ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 28

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
27ta' Jannar 2020


Werrej

Paġna

 

 

IL-PARLAMENT EWROPEW
SESSJONI 2018–2019
Dati tas-seduti: 11-14 ta’ Ġunju 2018
Il-Minuti ta’ din is-sessjoni ġew ippubblikati fil- ĠU C 178, 23.5.2019 .
TESTI ADOTTATI

1


 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew

2020/C 28/02

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tas-sajd rikreattiv fl-Unjoni Ewropea (2017/2120(INI))

2

 

RIŻOLUZZJONIJIET

2020/C 28/03

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni fl-UE (2017/2224(INI))

8

2020/C 28/04

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar Lejn settur Ewropew tal-akkwakultura sostenibbli u kompetittiv: is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri (2017/2118(INI))

26

2020/C 28/05

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar il-politika ta' koeżjoni u l-ekonomija ċirkolari (2017/2211(INI))

40

2020/C 28/06

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO (2017/2276(INI))

49

2020/C 28/07

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar iċ-ċiberdifiża (2018/2004(INI))

57

2020/C 28/08

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ tal-priġunier politiku Ukren Oleg Sentsov (2018/2754(RSP))

71

2020/C 28/09

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab (2018/2755(RSP))

76

2020/C 28/10

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Rohingya, b'mod partikolari l-qagħda mwiegħra tat-tfal (2018/2756(RSP))

80

2020/C 28/11

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar l-ostakli strutturali u finanzjarji fl-aċċess għall-kultura (2017/2255(INI))

85

2020/C 28/12

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa (2018/2741(RSP))

97

2020/C 28/13

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar in-negozjati li jmiss għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (2018/2634(RSP))

101

2020/C 28/14

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2016 (2017/2273(INI))

108

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

2020/C 28/15

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward in-negozjati dwar il-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì (2018/2018(INI))

121


 

III   Atti preparatorji

 

IL-PARLAMENT EWROPEW

2020/C 28/16

P8_TA(2018)0244
L-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivati OTC u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ***I
Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fit-12 ta' Ġunju 2018, dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, ir-rekwiżiti tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivati OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta' repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet (COM(2017)0208 – C8-0147/2017 – 2017/0090(COD)) 1 1

126

Proposta għalRegolament tal-parlament Ewropew u tal-kunsillli jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, ir-rekwiżiti tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta' repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet

127

2020/C 28/17

P8_TA(2018)0245
Regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u l-istabbiliment ta' Aġenzija tal-Unjoni Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2015)0613 – C8-0389/2015 – 2015/0277(COD))

149

P8_TC1-COD(2015)0277Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91

150

2020/C 28/18

P8_TA(2018)0246
Emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty ġodda ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty ġodda u l-konsum tal-fjuwil tagħhom (COM(2017)0279 - C8-0168/2017 – 2017/0111(COD)

151

P8_TC1-COD(2017)0111Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) ... / 2018 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta' CO2 u tal-konsum ta' fjuwil minn vetturi heavy-duty ġodda

152

2020/C 28/19

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (00007/2018 – C8-0216/2018 – 2017/0900(NLE)) (Approvazzjoni)

154

2020/C 28/20

P8_TA(2018)0250
Proċedimenti ta' insolvenza: annessi aġġornati għar-Regolament ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jissostitwixxi l-Anness A għar-Regolament (UE) 2015/848 dwar proċedimenti ta' insolvenza (COM(2017)0422 – C8-0238/2017 – 2017/0189(COD))

155

P8_TC1-COD(2017)0189Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jissostitwixxi l-Annessi A u B għar-Regolament (UE) 2015/848 dwar proċedimenti ta' insolvenza

156

2020/C 28/21

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (09228/2017 – C8-0101/2018 – 2017/0088(NLE)) (Approvazzjoni)

157

2020/C 28/22

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar regoli supplimentari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (06222/2018 – C8-0119/2018 – 2018/0032(NLE))
(Approvazzjoni)

158

2020/C 28/23

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta' Schengen marbuta mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (15820/1/2017 – C8-0017/2018 – 2018/0802(CNS))
(Konsultazzjoni)

159

2020/C 28/24

P8_TA(2018)0255
Assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ukrajna ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ukrajna (COM(2018)0127 – C8-0108/2018 – 2018/0058(COD))

160

P8_TC1-COD(2018)0058Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ukrajna

161

2020/C 28/25

P8_TA(2018)0263
Test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet (COM(2016)0822 – C8-0012/2017 – 2016/0404(COD))

163

P8_TC1-COD(2016)0404Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet

164

2020/C 28/26

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-14 ta' Ġunju 2018 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/1/KE dwar l-użu ta' vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta' merkanzija bit-triq (COM(2017)0282 – C8-0172/2017 – 2017/0113(COD)) 11

165

2020/C 28/27

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar ir-regolament delegat tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2018 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/118 li jistabbilixxi l-miżuri ta' konservazzjoni fis-sajd għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu fil-Baħar tat-Tramuntana (C(2018)01194 – 2018/2614(DEA))

172


MT

 


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/1


IL-PARLAMENT EWROPEW

SESSJONI 2018–2019

Dati tas-seduti: 11-14 ta’ Ġunju 2018

Il-Minuti ta’ din is-sessjoni ġew ippubblikati fil-ĠU C 178, 23.5.2019.

TESTI ADOTTATI

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew

27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/2


P8_TA(2018)0243

Is-sitwazzjoni attwali tas-sajd rikreattiv fl-Unjoni Ewropea

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tas-sajd rikreattiv fl-Unjoni Ewropea (2017/2120(INI))

(2020/C 28/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE: l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 77 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (5), b'mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

wara li kkunsidra l-istudju ta' riċerka bl-isem "Marine recreational and semi-subsistence fishing – its value and its impact on fish stocks"(Is-sajd rikreattiv fil-baħar u semisussistenzjarju – il-valur tiegħu u l-impatt tiegħu fuq l-istokkijiet tal-ħut), ippubblikat mid-Dipartiment Tematiku tiegħu għall-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni f'Lulju 2017,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0191/2018),

A.

billi d-definizzjoni pprovduta mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) fl-2013 tiddeskrivi s-sajd rikreattiv bħala "l-qabda jew it-tentattiv tal-qabda ta' riżorsi akwatiċi ħajjin l-aktar għall-pjaċir u/jew għall-konsum personali. Dan ikopri l-metodi tas-sajd attiv inkluż bix-xlief, bil-foxxni, u l-qbid bl-idejn u l-metodi tas-sajd passiv inkluż bix-xbieki, bin-nases u bil-konzijiet"; billi hemm bżonn ta' definizzjoni ċari ta' sajd rikreattiv u sajd rikreattiv fil-baħar, b'kont meħud tal-Artikolu 55(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, li jgħid li "il-kummerċjalizzazzjoni tal-qabdiet mis-sajd rikreattiv għandha tkun projbita";

B.

billi huwa importanti li wieħed jifhem id-differenza bejn sajd rikreattiv u sajd semisussistenzjarju, minħabba li t-tnejn għandhom jiġu evalwati u rregolati b'mod separat, u għandu jkun ċar li s-sajd rikreattiv mhuwiex sajd semisussistenzjarju; billi r-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd ma jagħmel l-ebda referenza għal dan tal-aħħar; billi għaldaqstant it-tnejn għandhom jiġu evalwati u regolati b'mod separat;

C.

billi l-leġiżlazzjoni tal-UE topera biss b'sistema b'żewġ livelli ta' kategoriji tas-sajd, li tkopri s-sajd rikreattiv u s-sajd kummerċjali, u b'hekk ma tirrikonoxxix is-sajd semisussistenzjarju u s-sajd semikummerċjali;

D.

billi s-sajd rikreattiv, minħabba d-daqs tiegħu, jista' jkollu impatt sinifikanti fuq l-istokkijiet tal-ħut, iżda r-regolamentazzjoni tal-kwistjoni taqa' primarjament fl-isfera ta' kompetenza tal-Istati Membri;

E.

billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU ddefiniet is-sajd sussistenzjarju bħala "sajd ta' annimali akkwatiċi li jikkontribwixxi b'mod sostanzjali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet nutrizzjonali ta' individwu";

F.

billi jekk ma jkunx hemm distinzjoni legali ċara bejn is-sajd rikreattiv, is-sajd semisussistenzjarju u s-sajd semikummerċjali, ċertu sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jista' ma jiġix individwat minħabba li ma jingħaddx jew ma jkunx regolat b'mod xieraq;

G.

billi m'hemm l-ebda definizzjoni unika, ċara u li hemm qbil dwarha tas-sajd rikreattiv fil-livell tal-UE, u billi dan jagħmilha diffiċli ħafna biex is-sajd rikreattiv jiġi kkontrollat, biex tinġabar data dwar dan it-tip ta' sajd u biex jiġu vvalutati l-impatt tiegħu fuq l-istokkijiet tal-ħut u l-ambjent jew l-importanza ekonomika tiegħu;

H.

billi sabiex tiġi ġestita kif xieraq kwalunkwe forma ta' attività tas-sajd, inkluż is-sajd rikreattiv, hemm bżonn ta' ġbir ta' data regolari u robust u fuq serje taż-żmien sabiex jiġi vvalutat l-impatt fuq l-istokkijiet tal-ħut u organiżmi tal-baħar oħrajn u fuq l-ambjent; billi fil-preżent tali data hija nieqsa jew mhux kompleta; billi, minbarra l-impatt dirett fuq l-istokkijiet tal-ħut, l-impatt ambjentali addizzjonali tas-sajd rikreattiv ukoll għadu ma ġiex studjat biżżejjed;

I.

billi, skont l-istudji, ammont sostanzjali ta' fdalijiet ta' skart tal-plastik traċċabbli fl-ibħra, il-lagi u x-xmajjar oriġina minn attivitajiet rekreattivi bbażati fl-ilma bħat-tbaħħir, it-turiżmu u s-sajd; jinnota li l-iskart fil-forma ta' rkaptu mitluf tas-sajd rikreattiv jista' jikkawża degradazzjoni serja tal-ħabitat kif ukoll ħsara ekoloġika;

J.

billi l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-ġbir ta' data, inkluż fir-rigward tas-sajd rikreattiv;

K.

billi l-objettivi elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jirreferu għall-ħtieġa li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ta' impjieg, u li l-istokkijiet tal-ħut u organiżmi tal-baħar oħrajn jiġu ripristinati u jinżammu 'l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli;

L.

billi, skont studju reċenti kkummissjonat mill-Parlament, l-impatt tas-sajd rikreattiv jista' jvarja skont l-istokkijiet tal-ħut, u jirrappreżenta 2 % (kavalli) - 43 % (pollakkju) tal-qabda totali;

M.

billi sabiex jinkisbu l-objettivi tal-PKS, l-istokkijiet tal-ħut u l-attività tas-sajd għandhom jiġu ġestiti u bbilanċjati; billi dawn l-objettivi ma jistgħux jinkisbu jekk parti mid-data dwar il-qabdiet u dwar l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd, inkluż is-sajd rikreattiv, tkun nieqsa;

N.

billi l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiġbru d-data, inklużi l-estimi ta' kemm kien hemm qbid u rilaxx fir-rigward tal-ispeċijiet elenkati fir-Regolament (UE) 2017/1004 u eventwalment jinkluduha fil-pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali; billi, f'dan ir-rigward, ftit Stati Membri biss għandhom data komprensiva dwar is-sajd rikreattiv prattikat fit-territorju tagħhom;

O.

billi, għalkemm hemm firxa wiesgħa ta' speċijiet li jinqabdu permezz tas-sajd rikreattiv fil-baħar, il-ġbir ta' data obbligatorju japplika għal ftit speċijiet biss, u għalhekk huma meħtieġa stħarriġ u analiżi li jinkludu speċijiet varji speċifiċi għall-pajjiżi; billi l-qabdiet mis-sajd rikreattiv għandhom ikunu inklużi fl-estimi tal-mortalità totali mis-sajd u tal-bijomassa;

P.

billi d-disponibilità tad-data dwar is-sajd rikreattiv tvarja minn reġjun għall-ieħor, u nsibu informazzjoni aħjar disponibbli dwar is-sajd rikreattiv fil-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku, milli fil-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed jew fl-Atlantiku;

Q.

billi n-numru stmat ta' dawk li jipprattikaw is-sajd rikreattiv fil-baħar fl-Ewropa huwa bejn 8,7 u 9 miljun persuna, jew 1,6 % tal-popolazzjoni Ewropea, li jistadu għal madwar 77 miljun ġurnata fis-sena;

R.

billi, skont l-Artikolu 3(2)(6) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 dwar il-FEMS, "sajjied"tfisser kwalunkwe persuna involuta f'attivitajiet tas-sajd kummerċjali, kif rikonoxxut mill-Istat Membru, u billi huwa għalhekk meħtieġ li tinstab definizzjoni oħra biex jiġu koperti dawk involuti f'attivitajiet tas-sajd rikreattiv, kif imsemmi fil-Premessa A;

S.

billi l-impatt ekonomiku stmat tas-sajd rikreattiv fil-baħar Ewropew (mingħajr il-valur tas-sajd turistiku) huwa ta' EUR 10,5 biljun, u dan huwa magħmul minn EUR 5,1 biljun infiq dirett, EUR 2,3 biljun infiq indirett u EUR 3,2 biljun infiq indott; billi fl-UE biss, l-impatt ekonomiku tas-sajd rikreattiv fil-baħar huwa stmat li jammonta għal EUR 8,4 biljun (magħmul minn EUR 4,2 biljun f'infiq dirett, EUR 1,8 biljun f'infiq indirett u EUR 2,5 biljun f'infiq indott);

T.

billi hemm rabta diretta bejn minn naħa l-istruttura/l-abbundanza tal-istokkijiet tal-ħut u l-aċċess għall-opportunitajiet ta' sajd u min-naħa l-oħra l-impjiegi u l-impatti ekonomiċi u soċjoekonomiċi li jirriżultaw; billi huwa importanti li jiġi evalwat l-impatt tas-sajd kollu fuq stokk speċifiku, kif ukoll il-valur ekonomiku tiegħu, sabiex jiġu adottati miżuri ta' ġestjoni li jgħinu biex jinkisbu l-objettivi ambjentali kif ukoll dawk ekonomiċi;

U.

billi s-sajd rikreattiv fil-baħar jappoġġja madwar 99 000 impjieg ekwivalenti għal full time (FTE) fl-Ewropa, li huma magħmula minn 57 000 impjieg dirett, 18 000 impjieg indirett u 24 000 impjieg indott, u li jiġġeneraw valur ekonomiku medju ta' EUR 49 000 fis-sena għal kull FTE; billi, fl-UE biss, huwa stmat li ċ-ċifra hija ta' 84 000 FTE (50 000 impjieg dirett, 15 000 impjieg indirett u 20 000 impjieg indott);

V.

billi jidher li s-sajd rikreattiv fil-baħar turistiku, kif ukoll sajd turistiku ieħor, huwa importanti ħafna għall-ekonomija ta' ħafna reġjuni u pajjiżi, u għalhekk għandu jiġi analizzat sabiex jiġi vvalutat aħjar il-valur, l-impatt u l-potenzjal ta' żvilupp tiegħu;

W.

billi t-tipi kollha ta' sajd rikreattiv għandhom impatt ekonomiku u soċjali ikbar fil-livell lokali u reġjonali milli fil-livell nazzjonali minħabba li jappoġġjaw il-komunitajiet lokali u kostali permezz tat-turiżmu, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-kiri ta' tagħmir u servizzi oħrajn relatati mas-sajd rikreattiv;

X.

billi, f'xi każijiet, il-qabdiet rikreattivi jikkostitwixxu porzjon sinifikanti tal-mortalità totali mis-sajd tal-istokk, u għalhekk dawn għandhom jiġu kkunsidrati meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd; billi, skont studju riċenti kkummissjonat mill-Parlament, il-perċentwal stmat tal-kontribuzzjoni għall-qabdiet totali mis-sajd rikreattiv fil-baħar jista’ jvarja ħafna, skont l-ispeċijiet fil-mira – minn 2 % għall-kavalli għal 43 % għall-pollakkju;

Y.

billi huwa importanti li jiġu evalwati individwalment id-diversi metodi ta' sajd rikreattiv, jew is-segmenti deskritti fid-definizzjoni tal-ICES tal-2013;

Z.

billi l-evalwazzjoni tal-impatt tas-sajd rikreattiv fuq l-istokkijiet tal-ħut tinkludi ż-żamma tal-qabdiet u r-rati ta' mortalità tal-ħut rilaxxat; billi r-rata ta' sopravivenza tal-ħut maqbud bil-qasba u x-xlief (sajd tal-qbid u r-rilaxx), hija, fil-maġġoranza tal-każijiet, ogħla mir-rati ekwivalenti għall-ħut maqbud bi rkaptu ieħor u permezz ta' prattiki oħra u għalhekk din għandha titqies f'dawn il-każijiet; billi hemm bżonn ta' informazzjoni ulterjuri dwar l-irkaptu prinċipali użat għas-sajd rikreattiv fil-baħar sabiex ikun jista' jsir tqabbil bejn iċ-ċans ta' sopravivenza tal-qabdiet skartati fis-sajd kummerċjali u tal-ħut li jintrema lura fil-baħar waqt is-sajd rikreattiv;

AA.

billi s-sajd rikreattiv jinkludi varjetà ta' rkapti u tekniki b'impatt differenti fuq l-istokkijiet u fuq l-ambjent, u għalhekk għandu jiġi evalwat u rregolat kif xieraq;

AB.

billi, minħabba l-istat ħażin tal-istokkijiet tal-ispnott tat-Tramuntana u tal-bakkaljaw tal-Punent tal-Baltiku, ġew introdotti restrizzjonijiet fuq is-sajd rikreattiv fil-livell tal-UE, billi ġew stabbiliti limiti tal-qabdiet jew projbizzjonijiet ta' żamma (għall-ispnott), sabiex jgħinu l-irkupru ta' dawn l-istokkijiet; billi l-miżuri għall-ġestjoni ta' emerġenza adottati meta jkun maħsub li l-istatus tal-istokk qed jiġi affettwat mis-sajd rikreattiv ma jipprovdux lis-settur il-viżibilità neċessarja;

AC.

billi ċerti sajjieda rikreattivi qed jimmiraw għall-ispeċijiet migratorji bejn l-ilma mielaħ u l-ilma ħelu bħas-salamun, it-troti u s-sallura; billi l-ġbir ta' data dwar dawn l-ispeċijiet għandu jitwettaq kemm fl-ilma ħelu kif ukoll fl-ilma mielaħ sabiex jiġi evalwat kif l-istokkijiet tal-ħut jinbidlu maż-żmien;

AD.

billi ż-żoni li huma l-iktar aċċessibbli għall-maġġoranza tas-sajjieda rikreattivi huma żoni kostali fejn, minbarra l-ispeċijiet ta' ħut, spiss jinqabdu wkoll invertebrati u alka; billi dawn għandhom rwol ewlieni fl-ekoloġija ta' tali żoni; billi l-impatt tal-qabdiet ta' dawn l-ispeċijiet ukoll se jeħtieġ li jiġi vvalutat, mhux biss fir-rigward tal-istokkijiet ikkonċernati iżda wkoll fir-rigward tal-ekosistemi li jifformaw parti minnhom;

AE.

billi s-salamun jirritorna fl-ilmijiet fejn ikun twieled, u billi idealment is-salamun għandu jiġi mmirat biss fis-sistemi tax-xmajjar fejn huwa possibbli li jsir kontroll u infurzar effiċjenti; billi s-sajd tas-salamun fil-baħar iwassal biex dan jitneħħa b'mod indiskriminat minn popolazzjonijiet b'saħħithom kif ukoll minn popolazzjonijiet vulnerabbli;

AF.

billi s-sajd rikreattiv jista' jirrappreżenta sors sinifikanti ta' mortalità mis-sajd, u filwaqt li l-ogħla stima tal-impatt ambjentali għas-sajd rikreattiv fl-ilma ħelu hija assoċjata mal-possibilità li jiġu introdotti speċijiet mhux indiġeni fl-ekosistema, ftit li xejn insibu impatt simili fis-sajd rikreattiv fil-baħar;

AG.

billi l-PKS ġiet stabbilita għall-ġestjoni tas-sajd kummerċjali, mingħajr ma ingħatat ebda kunsiderazzjoni għas-sajd rikreattiv, il-pekuljaritajiet tiegħu u l-ħtieġa ta' strumenti speċifiċi ta' ġestjoni u ppjanar;

AH.

billi l-impatti ambjentali tas-sajd rikreattiv jinkludu tipi oħrajn għajr it-tneħħija tal-ħut, iżda n-nuqqas ta' data ċara jagħmilha diffiċli li dawn jiġu separati minn sorsi antropoġeniċi oħrajn;

AI.

billi għandu jitqies il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni għall-ġestjoni futura tas-sajd rikreattiv fil-baħar, fid-dawl tal-importanza ta' din l-attività fir-Renju Unit u s-sinifikat tagħha għall-istokkijiet tal-ħut kondiviżi;

AJ.

billi s-sajd rikreattiv għandu ħafna benefiċċji soċjali u tas-saħħa pubblika, pereżempju isaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-parteċipanti, jinkoraġġixxi l-interazzjoni fost iż-żgħażagħ u jeduka lin-nies fir-rigward tal-ambjent u l-importanza tas-sostenibilità tiegħu;

1.

Jisħaq fuq l-importanza li tinġabar data suffiċjenti dwar is-sajd rikreattiv, u b'mod partikolari dwar is-sajd rikreattiv fil-baħar, sabiex jiġu evalwati kif xieraq il-livelli totali tal-mortalità mis-sajd għall-istokkijiet kollha;

2.

Jissottolinja li s-sajd rikreattiv qed isir iktar popolari fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej u li dan it-tip ta' sajd jirrappreżenta attività importanti b'effetti soċjali, ekonomiċi, ambjentali u fuq l-impjiegi, u jinnota wkoll b'mod partikolari l-impatt sinifikanti li dan jista' jkollu fuq ir-riżorsi tal-ħut; jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri għandhom, għalhekk, jiżguraw li tali attivitajiet jitwettqu b'mod sostenibbli li jkun kompatibbli mal-objettivi tal-PKS;

3.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi protetta l-flotta tas-sajd artiġjanali u jiġu żgurati s-sopravivenza tagħha u s-sostituzzjoni ġenerazzjonali fid-dawl tal-espansjoni tal-attività rikreattiva marbuta mal-portijiet turistiċi u t-turiżmu staġjonali;

4.

Iqis li għandha tinġabar data dwar in-numru ta' sajjieda rikreattivi, il-volum tal-qabdiet tagħhom u l-valur miżjud li jistgħu jiġġeneraw fil-komunitajiet kostali;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi u ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar is-sajd rikreattiv fir-regolament il-ġdid dwar il-kontroll;

6.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa, u jekk ikun neċessarju, tespandi l-ġbir tad-data fir-rigward tas-sajd rikreattiv sabiex jiġu koperti aktar stokkijiet ta' ħut u organiżmi tal-baħar oħrajn, tfassal studju dwar il-fattibilità dwar il-ġbir uniformi ta' data relatata mal-impatt soċjoekonomiku tiegħu u tagħmel obbligatorju l-ġbir ta' tali data;

7.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu r-rappurtar u l-monitoraġġ tal-qabdiet konnessi mas-sajd rikreattiv; ifakkar li fl-adozzjoni tal-baġit tal-UE għall-2018, il-Parlament approva proġett pilota li kellu l-għan li jintroduċi skema ta' rappurtar ta' kull xahar għall-qabdiet tal-ispnott, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffinanzjaw aktar proġetti ta' monitoraġġ għall-ispeċijiet li huma l-iktar vulnerabbli għas-sajd rikreattiv; ifakkar fl-importanza tat-traċċabilità u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi u ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar is-sajd rikreattiv fir-regolament il-ġdid dwar il-kontroll;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar is-sajd rikreattiv fl-UE; iqis li l-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' ġestjoni li jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sajd rikreattiv għandhom ukoll jiġu inkorporati fir-rapport finali tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatt;

9.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-passi tekniċi meħtieġa biex jimplimentaw ir-regolament attwali dwar il-ġbir ta' data u jespanduh sabiex jinkludu iktar stokkijiet u aspetti tas-sajd rikreattiv;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-data kollha neċessarja dwar is-sajd rikreattiv tinġabar b'mod regolari sabiex tiġi pprovduta evalwazzjoni kompleta tal-istokkijiet tal-ħut u organiżmi tal-baħar oħrajn sabiex tingħata iktar viżibilità lis-settur; iwissi li jekk ma ssirx tali evalwazzjoni komprensiva u ma jittieħdux azzjonijiet xierqa abbażi tagħha, il-pjanijiet ta' ġestjoni tas-sajd u l-miżuri tekniċi jafu ma jiksbux l-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u lanqas bilanċ bejn is-sajd rikreattiv u dak kummerċjali;

11.

Iqis li meta l-qabdiet mis-sajd rikreattiv ikollhom impatt sinifikanti fuq l-istokk, dawn għandhom jiġu inklużi bħala parti integrali tal-ekosistema u fil-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali, bl-iskop li jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd u jiġu adottati l-miżuri tekniċi rilevanti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex, fejn ikun neċessarju, tinkludi s-sajd rikreattiv fil-pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali li diġà ġew adottati jew li waslu biex jiġu adottati;

12.

Jissottolinja l-fatt li l-ġbir ta' data huwa obbligu tal-Istati Membri; jirrimarka, madankollu, li sabiex tissaħħaħ il-kwalità tad-data, għandu jkun hemm definizzjoni xierqa tas-sajd rikreattiv; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi definizzjoni uniformi tas-sajd rikreattiv fil-livell tal-UE li tiddistingwi b'mod ċar bejn is-sajd rikreattiv u s-sajd kummerċjali u semisussistenzjarju, abbażi tal-prinċipju li l-qabdiet mis-sajd rikreattiv m'għandhom qatt jinbiegħu;

13.

Iqis li, abbażi tad-data u r-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt, u b'kont meħud tal-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tas-sajd rikreattiv, il-Kummissjoni għandha tevalwa r-rwol tas-sajd rikreattiv fil-PKS futura, sabiex iż-żewġ tipi ta' sajd marittimu – kummerċjali u rikreattiv – ikunu jistgħu jiġu ġestiti b'mod ibbilanċjat, ġust u sostenibbli bl-għan li jintlaħqu l-objettivi mixtieqa;

14.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju, l-iżvilupp tas-sajd rikreattiv fis-settur tat-turiżmu, bħala kontributur importanti għall-iżvilupp tal-ekonomija blu fil-komunitajiet iż-żgħar, il-komunitajiet kostali u l-gżejjer, b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi; iqis li dan għandu jkollu impatt pożittiv fuq l-isforzi biex l-istaġun tat-turiżmu jittawwal lil hinn mix-xhur tas-sajf; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tuża s-sajd rikreattiv bħala tema tal-inizjattiva EDEN favur it-turiżmu sostenibbli u tniedi proġetti li jippromwovu t-turiżmu tas-sajd rikreattiv fil-komunitajiet kostali żgħar taħt il-Fond tal-COSME;

15.

Jirrimarka li, barra mill-kuntest tal-ġestjoni normali tar-riżorsi tas-sajd abbażi ta' data xjentifika sostantiva, l-iżvilupp ta' attivitajiet ta' sajd rikreattiv m'għandux ifisser tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd professjonali jew kondiviżjoni tar-riżorsi skarsi bejn l-attivitajiet professjonali u dawk ta' rikreazzjoni, speċjalment fil-każ tas-sajd fuq skala żgħira u artiġjanali;

16.

Jirrikonoxxi li s-sajd rikreattiv ilu jiġi prattikat għal sekli sħaħ madwar l-UE u huwa parti integrali mill-kultura, it-tradizzjonijiet u l-wirt ta' għadd kbir ta' komunitajiet kostali u tal-gżejjer; jinnota li t-tipi differenti ta' sajd rikreattiv ivarjaw daqs il-kulturi tal-UE stess u li dan irid jiġi rikonoxxut fi kwalunkwe tentattiv li tiġi stabbilita leġiżlazzjoni f'dan il-qasam;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri xierqa sabiex tiżgura li d-dispożizzjonijiet futuri għar-regolamentazzjoni tas-sajd rikreattiv ikunu xierqa u ma jkunux ta' ħsara għall-attivitajiet tas-sajd professjonali;

18.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli bażiċi għall-ġestjoni tas-sajd rikreattiv u jissuġġerixxi li jitfassal ukoll katalogu tal-attivitajiet tas-sajd rikreattiv, li għandu jinkludi informazzjoni dwar l-irkaptu u l-operazzjonijiet tas-sajd u deskrizzjoni taż-żoni tas-sajd, l-ispeċijiet fil-mira u l-qabdiet aċċessorji;

19.

Jenfasizza l-importanza li l-FEMS jgħin fl-iżvilupp tal-kapaċità xjentifika u jiggarantixxi valutazzjonijiet sħaħ u affidabbli tar-riżorsi marittimi għall-attivitajiet tas-sajd rikreattiv; ifakkar li l-FEMS jipprovdi fondi għall-ġbir tad-data, u jistieden lill-Kummissjoni twessa' l-ambitu futur tal-FEMS sabiex jipprovdi appoġġ finanzjarju għar-riċerka u l-analiżi tad-data miġbura;

20.

Jenfasizza l-ħtieġa qawwija u essenzjali li d-data tiġi kondiviża u jirrimarka li l-FEMS u s-Sajd jappoġġja l-ġbir tad-data, inkluż fir-rigward tas-sajd rikreattiv; jitlob, għalhekk, li l-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jiġbru d-data u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżviluppa wkoll bażi ta' data komuni li jkun fiha data komprensiva u affidabbli disponibbli għar-riċerkaturi biex ikunu jistgħu jimmonitorjaw u jivvalutaw l-istat tar-riżorsi tas-sajd; jissuġġerixxi li dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta' finanzjament mill-FEMS.

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2017)0316.

(2)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(3)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(4)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.

(5)  ĠU L 157, 20.6.2017, p. 1.


RIŻOLUZZJONIJIET

27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/8


P8_TA(2018)0247

Il-Modernizzazzjoni tal-Edukazzjoni fl-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni fl-UE (2017/2224(INI))

(2020/C 28/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titlu "Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa"(COM(2011)0567),

wara li kkunsidra d-dritt għall-edukazzjoni kif definit fl-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-edukazzjoni effettiva tal-għalliema (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità li tappoġġa l-edukazzjoni u t-taħriġ (2),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (3),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 u 19 ta' Mejju 2015 dwar ir-rwol tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni primarja fit-trawwim tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenza diġitali (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titlu "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa – Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività"(COM(2016)0381) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Settembru 2017 dwar "Aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa" (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, rigward id-dritt għall-edukazzjoni,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1904 (2012) tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-dritt għal-libertà tal-għażla fl-edukazzjoni,

wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) bit-titlu "Il-prijoritajiet il-ġodda tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ" (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi "Erasmus+": il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (7),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tas-17 ta' Marzu 2015 dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni;

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015 dwar is-segwitu għall-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja (8),

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 dwar "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa – Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività"(SWD(2016)0195),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi 'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (9),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2016 bit-titlu "Perkorsi ta' titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti" (10),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2016 bit-titlu "It-titjib u l-immodernizzar tal-edukazzjoni"(COM(2016)0941),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2017 bit-titlu "L-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti għal bidu tajjeb fil-ħajja"(COM(2017)0248),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2017 bit-titlu "Aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja"(COM(2017)0247),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2017 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ tal-gradwati (COM(2017)0249),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Ottubru 2017 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi (COM(2017)0563 – SWD(2017)0322),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Novembru 2017 dwar "L-immodernizzar tal-edukazzjoni skolastika u għolja",

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2017 bit-titlu "Strateġija ġdida tal-UE għall-edukazzjoni",

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2018 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim (COM(2018)0023),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta' Jannar 2018 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar "Il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja"(COM(2018)0024),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (11),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Jannar 2018 dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (COM(2018)0022),

wara li kkunsidra r-rapport ta' konklużjoni tas-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir, li ġie organizzat f'Gothenburg, l-Iżvezja, fis-17 ta' Novembru 2017 (12),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u l-kura fit-tfulija bikrija: nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada, adottata fit-3090 Laqgħa tal-Kunsill dwar l-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport organizzata fid-19 u l-20 ta' Mejju 2011 (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 1984 dwar il-libertà tal-edukazzjoni fil-Komunità Ewropea (14),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja (15),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 bit-titlu "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali"(JOIN(2016)0029), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2017 dwarha (16),

wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Karta tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Edukazzjoni għal Ċittadinanza Demokratika u l-Edukazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fil-qafas tar-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)7,

wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

wara li kkunsidra l-Objettiv Strateġiku B tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing (1995),

wara li kkunsidra l-Artikoli 28 u 29 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata f'Settembru 2015 u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016, u b'mod partikolari, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 4 u 5,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0173/2018),

A.

billi skont l-Artikolu 6e tat-TFUE, il-kompetenza fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija tal-Istati Membri, filwaqt li l-Unjoni Ewropea għandha rwol ta' appoġġ vitali biex tistabbilixxi l-isfidi u l-għanijiet u tippromwovi u tiskambja l-aħjar prattiki;

B.

u billi d-dritt għall-edukazzjoni hu dritt fundamentali tal-bniedem u billi l-edukazzjoni fil-forom kollha tagħha u fil-livell kollha jenħtieġ li tippreżenta l-karatteristiċi interkonnessi u essenzjali li ġejjin: a) id-disponibilità; b) l-aċċessibilità; c) l-aċċettabilità; u d) l-adattabilità;

C.

billi l-prijorità prinċipali tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa li jipprovdi edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja li jkunu inklużivi u ta' kwalità;

D.

billi l-kisba ta' opportunitajiet indaqs hi funzjoni importanti tal-edukazzjoni, u l-aċċess għall-edukazzjoni jrid għalhekk isir nondiskriminatorju; billi għal dan il-għan, hemm bżonn ta' aktar sforzi biex jiġi żgurat li kulħadd, b'attenzjoni partikolari lil dawk l-aktar vulnerabbli, il-persuni b'diżabilità jew bi bżonnijiet speċjali, kif ukoll il-gruppi żvantaġġati, igawdi l-istess opportunitajiet li jaċċedi għall-edukazzjoni u t-taħriġ u u jikkompletahom, u li jikseb ħiliet fil-livelli kollha;

E.

billi s-sistemi edukattivi Ewropej jirrappreżentaw rikkezza enormi ta' diversità kulturali, soċjali u lingwistika, filwaqt li fl-istess ħin l-Istati Membri jikkondividu għanijiet u sfidi simili fl-edukazzjoni, fosthom l-iżgurar ta' aċċess ugwali għall-edukazzjoni għal kulħadd, li jistgħu jiġu indirizzati fil-livell Ewropew;

F.

billi l-kapaċità tas-sistemi tal-edukazzjoni li jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjetali, ekonomiċi u personali tiddependi mill-kwalità, l-aċċessibilità, id-diversità, l-effiċjenza u l-ekwità tagħhom, kif ukoll mid-disponibilità ta' riżorsi umani, finanzjarji u materjali;

G.

billi huwa importanti li jiġi mfakkar li l-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni tal-għalliema, intlaqtet mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, u li l-finanzjament pubbliku għall-edukazzjoni għandu rwol fundamentali fis-sistemi edukattivi tal-UE; billi, għalhekk, appoġġ finanzjarju pubbliku miżjud għall-edukazzjoni, fosthom għall-għalliema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, kif ukoll għar-riċerka, hu kruċjali biex tiġi żgurata edukazzjoni pubblika bla ħlas, inklużiva u aċċessibbli;

H.

billi l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali u l-iżvilupp taż-żgħażagħ sabiex jagħmluhom ċittadini proattivi u responsabbli li jkunu lesti biex jgħixu u jaħdmu f'dinja teknoloġikament avvanzata u globalizzata u jipprovduhom b'sett ta' kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, definit bħala kombinazzjoni ta' għarfien, ħiliet u attitudnijiet meħtieġa għall-milja u l-iżvilupp personali, għaċ-ċittadinanza attiva u għall-impjieg;

I.

billi l-kwalità tat-tagħlim tikkostitwixxi fattur determinanti importanti għar-riżultati tal-istudenti, u għalhekk appoġġ qawwi għall-eċċellenza fir-rigward tat-tagħlim u tal-edukaturi jikkostitwixxi waħda mill-prijoritajiet għall-kooperazzjoni fil-livell tal-UE fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

J.

billi d-dritt għall-edukazzjoni jinkludi l-libertà li jitwaqqfu stabbilimenti edukattivi, abbażi tar-rispett dovut għall-prinċipji demokratiċi u għad-dritt tal-ġenituri li jiżguraw li t-tfal tagħhom huma mgħallma u istruwiti skont il-konvinzjonijiet reliġjużi, filosofiċi u pedagoġiċi tagħhom;

K.

billi l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni kif applikat għall-edukazzjoni jippermetti lill-Istati Membri joħolqu u jimplimentaw strateġija komuni għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluża wkoll il-pjattaforma online ET2020 (Edukazzjoni u Taħriġ 2020); billi l-parametri referenzjarji ta' din l-istrateġija huma analizzati u evalwati kull sena fil-pubblikazzjoni "Education and Training Monitor"(Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ), kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-UE kollha kemm hi;

L.

billi fl-aħħar "Education and Training Monitor"ippubblikat fl-2017, il-Kummissjoni irrikonoxxiet li minkejja progress kontinwu fit-tnaqqis tal-għadd ta' studenti bi tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ, l-għadd tagħhom xorta għadu għoli ħafna fl-UE;

M.

billi skont ir-riżultati tal-aħħar testijiet testijiet ta' PISA, 20,6 % tal-istudenti Ewropej jiffaċċjaw problemi fl-akkwist ta' ħiliet bażiċi fl-oqsma tal-qari, il-matematika u x-xjenza, u għadd sinifikanti ta' ċittadini Ewropej għandhom nuqqas ta' ħiliet ta' litteriżmu; billi dan huwa joħloq tħassib serju f'termini ta' tagħlim ulterjuri, żvilupp personali, u parteċipazzjoni adegwata fil-ħajja pubblika u fis-suq tax-xogħol;

N.

billi l-iżgurar ta' aċċess għall-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC) għat-tfal kollha huwa essenzjali sabiex dawn igawdu minn bidu pożittiv fil-ħajja u fil-perkorsi edukattivi tagħhom;

O.

billi l-kwalità tal-persunal hija fattur fundamentali għas-servizzi tal-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal;

P.

billi l-promozzjoni tal-mobilità tal-istudenti u tal-persunal hija parti importanti mis-sistemi ta' edukazzjoni ogħla Ewropej, u tikkontribwixxi għall-iżvilupp taż-żgħażagħ u tista' tistimula l-progress ekonomiku u soċjali; billi hemm bżonn ta' titjib kwalitattiv u aktar appoġġ finanzjarju bl-għan li tikber il-mobilità tal-istudenti u tal-persunal fl-ambitu ta' Erasmus+;

Q.

billi l-innovazzjonijiet metodoloġiċi u diġitali jikkostitwixxu strument potenzjali għall-estensjoni tal-aċċess għall-kontenut u l-għarfien, iżda ma għandhomx jissostitwixxu l-kuntatt personali u l-iskambju fost l-istudenti u bejn l-istudenti u l-għalliema, u lanqas ma għandhom isiru l-prijorità tas-sistemi ta' edukazzjoni;

R.

billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li huwa minqux fit-Trattati u għandu jiġi rifless fil-politiki kollha tal-UE, u, bl-istess mod, anki fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura;

S.

billi l-edukazzjoni hija għodda b'saħħitha biex jingħelbu l-inugwaljanzi bejn is-sessi u d-dikriminazzjoni, iżda tista' sikwit tirriproduċi jew taggrava d-diskriminazzjoni eżistenti; billi l-inugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni tostakola kemm l-iżvilupp personali kif ukoll l-impjieg, u taffettwa ħafna oqsma soċjokulturali;

T.

billi, minkejja l-fatt li n-nisa jammontaw għal 3 minn kull 5 (57,6 %) tal-gradwati kollha fl-edukazzjoni għolja, id-differenza fl-impjieg bejn il-ġeneri kienet 11,6 % fl-2015; (17)

L-għarfien bħala riżorsa ekonomika ewlenija u sors ta' benesseri taċ-ċittadini

1.

Jiddikjara li l-edukazzjoni ta' kwalità universali hija komponent kruċjali tal-iżvilupp personali, kulturali, soċjali u professjonali f'soċjetà msejsa fuq l-għarfien;

2.

Iqis li s-salvagwardja tal-valuri komuni Ewropej u tal-ksib tal-għanijiet ekonomiċi u soċjali tal-UE kif ukoll dawk tal-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli huma marbuta ma' edukazzjoni ta' kwalità permezz tal-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem, il-koeżjoni soċjali, l-integrazzjoni u s-suċċess individwali;

3.

Jissottolinja r-rwol kruċjali fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa, kemm ekonomikament kif ukoll soċjalment, filwaqt li tipprovdi għall-ħtiġijiet għall-bżonnijiet taċ-ċittadini u tibni komunità ta' ċittadini differenti uniti permezz tal-valuri ewlenin komuni tagħhom;

4.

Jissottolinja li s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità jippromwovu ċ-ċittadinanza attiva u l-valuri komuni, u bħala tali jgħinu biex isawru soċjetà miftuħa, inklużiva, pluralista, demokratika u tolleranti;

5.

Jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni biex tgħin lill-istudenti jiżviluppaw valuri etiċi u ċiviċi u jsiru membri tas-soċjetà attivi, responabbli u b'moħħhom miftuħa li jkunu kapaċi jeżerċitaw u jiddefendu d-drittijiet demokratiċi u r-responsabilitajiet tagħhom fis-soċjetà, japprezzaw id-diversità, jiżvolġu rwol attiv fil-ħajja demokratika u jieħdu r-responsabilità għalihom infushom u għall-komunitajiet tagħhom; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' edukazzjoni ċivika, etika, ambjentali u taċ-ċittadinanza;

6.

Jenfasizza li sabiex iż-żgħażagħ jikkonfrontaw l-isfidi, isiru ċittadini Ewropej attivi u jkunu ta' suċċess f'ħajjithom u fis-suq tax-xogħol filwaqt li jsawru wkoll il-ġejjieni tad-dinja, edukazzjoni ta' kwalità u inklużiva trid tipprovdilhom l-għarfien, il-ħiliet il-litteriżmu medjatiku u l-ħsieb kritiku u awtonomu meħtieġa, kif ukoll attitudnijiet demokratiċi;

7.

Jissottolinja l-fatt li l-iżgurar ta' aċċess ugwali għal edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità huwa kruċjali għall-kisba ta' koeżjoni soċjali kontinwa billi jiġġieled il-faqar, l-esklużjoni soċjali ta' nies bi sfondi żvantaġġati u vulnerabbli, u l-istereotipi tal-ġeneri, u għaldaqstant għadu l-akbar għajnuna għall-mobilità soċjali;

8.

Jinnota l-fatt li edukazzjoni ta' kwalità tista' trawwem ir-riċerka u l-innovazzjoni rilevanti għas-soċjetà u ta' benefiċċju għaliha;

9.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-edukazzjoni fl-iżvilupp ta' kompetenzi kulturali u fl-inkoraġġiment tal-iżvilupp kulturali; jinkoraġġixxi sinerġiji aktar mill-qrib bejn is-settur tal-edukazzjoni u dak kulturali, li għandhom jinkisbu billi jiġi appoġġat rwol attiv għall-kultura u l-arti f'kuntesti edukattivi formali, informali u mhux formali;

10.

Jinnota r-rwol li l-edukazzjoni tiżvolġi fl-iżvilupp ta' attitudnijiet ta' tagħlim tul il-ħajja li jgħinu lin-nies jadattaw għall-eżiġenzi li qed jinbidlu tad-dinja moderna;

11.

Ifakkar li l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi jiżvolġu rwol ewlieni fil-ħolqien u t-trawwim ta' attitudni pożittiva lejn it-tagħlim, anki t-tagħlim tul il-ħajja;

Ir-realtà edukattiva li qed tinbidel u l-isfidi relatati

12.

Jemmen li approċċ komprensiv għall-politika dwar l-edukazzjoni, b'appoġġ politiku u pubbliku qawwi, huwa kruċjali għall-proċess tar-riforma edukattiva, u li sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet huwa essenzjali li jiġu involuti kemm is-soċjetà b'mod ġenerali kif ukoll l-atturi rilevanti u interessati kollha, inklużi l-ġenituri;

13.

Iqis li governanza effettiva u finanzjament adegwat għall-istabbilimenti edukattivi kollha, riżorsi u tagħlim edukattivi ta' kwalità moderni, għalliema motivati u kompetenti, u tagħlim tul il-ħajja huma kruċjali għall-kisba tal-ekwità, id-dversità u l-eċċellenza fl-edukazzjoni;

14.

Jenfasizza l-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) u l-innovazzjoni, bħala strumenti biex jiġu offruti opportunitajiet ġodda fl-edukazzjoni, jintlaħqu b'mod aktar effettiv il-ħtiġijiet ta' studenti individwali (inklużi l-ħtiġijiet edukattivi speċjali), u tiżdied il-flessibilità fit-tagħlim, il-personalizzazzjoni u r-responsabilità, kif ukoll jitrawmu forom interattivi ta' kooperazzjoni u komunikazzjoni;

15.

Jisħaq fuq l-opportunitajiet li d-diġitalizzazzjoni u l-istabbiliment ta' pjattaformi edukattivi komuni joffru għall-edukazzjoni moderna, speċjalment f'termini ta' tagħlim mill-bogħod, edukazzjoni mill-bogħod, u t-tagħlim imħallat, li għandhom jippermetti aktar flessibilità fl-edukazzjoni billi jfassluha b'mod eqreb għas-sitwazzjonijiet ta' għajxien individwali tal-istudenti u b'hekk ikunu ta' benefiċċju għat-tagħlim tul il-ħajja, għall-kwalità tal-edukazzjoni, għall-aċċessibilità u għall-iżvilupp ta' ħiliet futuri; jenfasizza l-ħtieġa li l-kurrikuli tal-ICT u tal-media jkunu xierqa għall-età u li jirrispettaw l-iżvilupp u l-benesseri tat-tfal u jenfasizzaw l-importanza kemm tal-użu responsabbli kif ukoll tal-ħsieb kritiku;

16.

Josserva li t-tagħlim effikaċi permezz ta' teknoloġiji moderni jeħtieġ aċċess ugwali, livell kompetenti ta' ħiliet diġitali, riżorsi tat-tagħlim ta' kwalità, taħriġ fl-adattament tat-teknoloġija għal skopijiet pedagoġiċi u l-promozzjoni tal-attitudnijiet u l-motivazzjoni meħtieġ għal parteċipazzjoni diġitali sinifikattiva; jemmen li l-ħiliet tal-litteriżmu diġitali u medjatiku għandhom ikunu parti essenzjali mill-politiki tal-edukazzjoni u jinkludu, fost l-oħrajn, il-kompetenzi ċiviċi u l-ħsieb kritiku; jenfasizza l-importanza ta' valutazzjoni kritika tas-sorsi u l-affidabilità tagħhom, u ta' proġetti ta' litteriżmu medjatiku f'dan ir-rigward;

17.

Jirrikonoxxi li f'dinja dejjem aktar globalizzata u diġitalizzata, huwa meħtieġa metodi ta' tagħlim u ta' valutazzjoni innovattivi u rilevanti, kif ukoll infrastruttura edukattiva adegwata li tippermetti l-ħidma fi gruppi u t-tagħlim f'tim, u tistimula l-ħsieb kreattiv u s-soluzzjoni tal-problemi flimkien ma' metodi edukattivi progressivi oħrajn; ifakkar fl-importanza tal-involviment tal-għalliema, l-istudenti u persunal ieħor tal-iskejjel fil-valutazzjoni ta' jekk intlaħqux l-objettivi ta' tagħlim, u kif intlaħqu;

18.

Jinnota li jinħtieġu aktar sforzi biex il-paradigma edukattiva tiġi adattata biex tibbilanċja approċċ iffokkat fuq l-għalliem kif ukoll fuq il-kontenut, li tkun aktar adatta individwalment u speċifikament għall-istudenti u ċ-ċirkustanzi tal-għajxien tagħhom, b'approċċ iffokat fuq il-komprensjoni, li jgħaqqad flimkien metodi ta' tagħlim adatti għall-mudell tat-tagħlim tradizzjoni kif ukoll online, biex b'hekk tissaħħaħ il-personalizzazzjoni tal-proċess edukattiv u b'dan il-mod jiżdiedu r-rati ta' żamma u ikkompletar;

19.

Jenfasizza li s-sistemi edukattivi għandhom jippromwovu l-approċċi interdixxiplinari, kooperattivi u kreattivi u x-xogħol f'tim bil-għan li l-istudenti jiġu mgħammra bl-għarfien u l-ħiliet, inklużi ħiliet trażversali u mhux tekniċi, kif ukoll kompetenzi professjonali, trażversali, soċjali u ċiviċi;

20.

Ifakkar li l-ksib ta' tagħlim ta' kwalità huwa proċess kontinwu li jinkludi d-djalogu, sens ta' kondiviżjoni u kurżità, u għandu jingħata prijorità fil-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni;

21.

Jenfasizza li l-iffaċilitar ta' aċċess ugwali għal edukazzjoni inklużiva ta' kwalità huwa essenzjali għall-indipendenza u l-integrazzjoni fis-soċjetà ta' studenti b'diżabilità; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għal edukazzjoni ewlenija ("mainstream") inklużiva u ta' kwalità, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-istudenti kollha b'kull tip ta' diżabilità, li jfisser, pereżempju, li tiġi pprovduta edukazzjoni inklużiva bilingwi għat-tfal neqsin mis-smigħ fir-rigward tal-ħtiġijiet lingwistiċi speċjali tagħhom; jistieden lill-iskejjel jipprovdu servizzi differenzjati kemm formali kif ukoll informali, u appoġġ imsaħħaħ, waqt li jużaw ukoll il-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda sabiex jiġu moqdija l-bżonnijiet individwali tal-istudenti kollha; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-iskejjel fir-rigward tal-politika tagħhom ta' aċċettazzjoni ta' kulħadd, u tistabbilixxi indikaturi speċifiċi għad-diżabilità fi ħdan l-istrateġija Ewropa 2020;

22.

Jemmen li l-edukazzjoni Ewropea jeħtieġ li tfittex qabelxejn l-iżvilupp tar-raġunament, ir-riflessjoni u l-kurżità xjentifika; li hija trid tkun kapaċi tibni fuq il-bażi ta' kultura umanistika artistika, xjentifika u teknika; u li, hekk kif tibda mir-realtà prattika tal-ħajja lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropea, hija għandha tagħti t-taħriġ neċessarju biex tirrisolvi problemi nazzjonali u Ewropej u tqajjem kuxjenza dwar il-problemi fi ħdan il-komunità internazzjonali;

23.

Jirrikonoxxi r-realtà tad-differenzi individwali fil-kapaċitajiet konjittivi u l-karatteristiċi tal-personalità li jinteraġixxu ma' fatturi soċjali u ambjentali, u jinfluwenzaw l-eżiti edukattivi; jissottolinja f'dan il-kuntest li l-edukazzjoni hija aktar effiċjenti, ekwa u ġusta meta jittieħed kont ta' dawn id-differenzi;

24.

Jirrikonoxxi li, f'dinja kompetittiva, huwa essenzjali li t-talent Ewropew jiġi identifikat u promoss kmieni kemm jista' jkun;

25.

Jenfasizza li t-titjib fir-riżultati fl-ambitu edukattiv huwa kompatibbli, b'mod medju, mal-promozzjoni tal-eċċellenza fost l-istudenti b'talenti; jinnota, f'dan il-kuntest, l-importanza tat-tfassil ta' programmi ta' intervent xierqa sabiex jissaħħu l-karatteristiċi psikoloġiċi rilevanti għall-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-persuni;

26.

Jenfasizza l-bżonn li tingħata importanza lill-litteriżmu viżiv bħala ħila ġdida tal-ħajja, filwaqt li jirrikonoxxi li llum il-ġurnata, in-nies qed jikkomunikaw aktar permezz tal-immaġnijiet milli permezz tal-mezzi tradizzjonali;

27.

Jinnota l-proposta li tinħoloq Żona Ewropea ta' Edukazzjoni, ippreżentata fis-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir, li ġie organizzat f'Gothenburg fl-2017; ifakkar li din l-inizjattiva għandha trawwem il-kooperazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi u l-kwalifiki, u aktar mobilità u tkabbir;

28.

Jappoġġja l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2017 li jitolbu li titjieb il-mobilità u l-parteċipazzjoni tal-istudenti fl-edukazzjoni u fl-attivitajiet kulturali, fosthom permezz ta' "Kard Ewropea tal-Istudenti", li għandha tiffaċilita r-rikonoxximent ta' krediti universitarji miksuba fi Stati Membri oħra;

29.

Jemmen li Erasmus+ huwa l-programm emblematiku tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni, u li l-impatt u l-popolarità tiegħu ġew evidenzjati għalkollox tul is-snin; jappella, għalhekk, għal żieda sostanzjali fil-finanzjament għal dan il-programm fil-QFP 2021-2027, sabiex il-programm isir aktar aċċessibbli u inklużiv u jkun jista' jilħaq aktar studenti u għalliema;

30.

Jissottolinja li l-qgħad taż-żgħażagħ huwa fenomenu li jinstab fl-Ewropa kollha li skont ir-rapporti jammonta għal madwar id-doppju tar-rata medja tal-qgħad ġenerali; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rati għolja b'mod allarmanti fl-Istati Membri tal-Mediterran, li huma l-aktar għoljin fi Spanja (44,4 %), l-Italja (37,8 %) u fil-Greċja (47,3 % taż-żgħażagħ huma qiegħda waqt li 30,5 % taż-żgħażagħ huma NEETs, skont l-Eurostat;

31.

Josserva li minkejja ż-żewġ miljun impjieg battal li jeżistu fl-UE, aktar minn 30 % taż-żgħażagħ kwalifikati b'diplomi qed jaħdmu f'impjiegi li ma jaqblux mal-ħiliet jew l-aspirazzjonijiet tagħhom, filwaqt li 40 % tal-impjegaturi Ewropej isibuha diffiċli biex isibu ħaddiema bil-ħiliet li jeħtieġu l-impjegaturi (18);

32.

Jafferma l-ħtieġa li s-sistemi ta' edukazzjoni fil-livelli kollha jżommu perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi li tieħu kont tal-ħtiġijiet tal-persuni li jbatu minn forom multipli ta' diskriminazzjoni, inklużi l-persuni b'diżabilità, persuni li jidentifikaw ruħhom bħala LGBTI u persuni li jkunu ġejjin minn komunitajiet emarġinati;

Edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC)

33.

Jenfasizza li ECEC ta' kwalità u aċċessibbli toħloq pedament għal sistemi tal-edukazzjoni aktar ekwitabbli u effettivi, u tiżgura l-iżvilupp personali individwali, il-benesseri u l-effikaċja ta' tagħlim ulterjuri;

34.

Jenfasizza l-benefiċċji kbar għat-tfal kollha, speċjalment dawk minn gruppi żvantaġġati, li jattendu ECEC, u jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza li jiġi żgurat li kull tifel u tifla jkun jista' jkollhom aċċess għall-ECEC; josserva bi tħassib, f'dan ir-rigward, li f'diversi Stati Membri, id-domanda għal postijiet ECEC hija akbar mill-provvista, speċjalment għal tfal iżgħar;

35.

Jissottolinja l-importanza tal-monitoraġġ tal-kwalità tal-ECEC, ħalli t-tfal ikunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet konjittivi tagħhom u jiġi ddeterminat jekk humiex qed jiġu moqdija l-aħjar interessi tat-tfal;

Edukazzjoni skolastika

36.

Jara lill-iskejjel kollha bħala ċentri għat-trawwim tal-ħsieb kritiku u kreattiv u għall-promozzjoni tal-valuri demokratiċi u ċ-ċittadinanza attiva; iqis li l-iskejjel għandhom jiffukaw fuq l-għajnuna għaż-żgħażagħ biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jifhmu u jużaw l-informazzjoni disponibbli, kif ukoll biex jiżviluppaw l-awtonomija fit-tagħlim u l-profiċjenza lingwistika;

37.

Jirrimarka li l-bżonnijiet speċifiċi tal-istudenti kollha għandhom ikunu fiċ-ċentu tal-funzjonament effikaċi tal-iskejjel skola, li jeħtieġ l-istabbiliment ta' objettivi konġunti u aġenda ċara għall-implimentazzjoni tagħhom kif ukoll kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-komunità tal-iskola kollha u l-persuni interessati, fejn xieraq;

38.

Iqis li l-kurrikuli moderni għandhom ikunu mmexxija mill-kompetenzi, għandhom isaħħu l-ħiliet personali u l-kompetenza ta' ġestjoni ta' ħajja orjentata għall-futur u konxja dwar is-saħħa u għandhom jiffokaw fuq valutazzjoni formattiva u fuq il-benesseri fiżiku u emozzjonali tal-istudenti; jemmen li kull student għandu jkollu l-possibilità li jwettaq il-potenzjal intellettwali tiegħu; jenfasizza li l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-ħiliet hu proċess kontinwu, li jopera fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol, u li l-ħiliet u l-kompetenzi għandhom jitqiesu kemm fil-proċess edukattiv u kemm fir-rikonoxximent ta' kwalifiki edukattivi;

39.

Jissottolinja li l-kisba ta' ħiliet bażiċi ta' litteriżmu u numeriżmu hija fundamentali għat-tagħlim ulterjuri, l-iżvilupp personali u l-kisba tal-kompetenza diġitali tal-istudenti; jenfasizza li l-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020) u l-Aġenda Ġdida tal-Ħiliet tal-Kummissjoni għandhom jikkomplementaw l-azzjonijiet nazzjonali u jappoġġjaw l-Istati Membri f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet edukattivi jsaħħu l-ħiliet bażiċi permezz ta' tagħlim ibbażat fuq il-proġetti u l-problemi, fost soluzzjonijiet oħra;

40.

Jinnota li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li ħadd ma jtemm l-iskola mingħajr ħiliet bażiċi, inklużi ħiliet diġitali bażiċi; jenfasizza l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-impjiegi llum 'il ġurnata jirrikjedu livelli ogħla ta' litteriżmu, numeriżmu, litteriżmu diġitali u ħiliet kruċjali oħra, u li s-sistemi ta' edukazzjoni moderni għandhom għaldaqstant jgħaqqdu t-tmien kompetenzi ewlenin deskritti fil-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, li jinkludi wkoll l-għarfien u l-attitudnijiet; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li din il-proposta tiddefinixxi wkoll il-ħiliet diġitali bħala ħiliet bażiċi;

41.

Iqis li, minkejja l-impatt ta' teknoloġiji ġodda fuq l-edukazzjoni, l-iskola xorta għandha tibqa' ambjent fundamentali tat-tagħlim fejn il-potenzjalitajiet jiġu żviluppati, u fejn kull individwu jista' jsib l-ispazju u l-ħin għal tkabbir personali u soċjali;

42.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għoti ta' aktar awtonomija lill-iskejjel fir-rigward tal-kurrikuli, l-evalwazzjoni u finanzjament, irriżulta fi prestazzjoni aqwa mill-istudenti, dejjem jekk hemm governanza effikaċi fl-iskola u rendikont mill-iskola stess għat-tagħlim tal-istudenti;

43.

Jenfasizza l-impatt pożittiv tad-diversità kulturali u l-multilingwiżmu fl-iskejjel fuq l-iżvilupp lingwistiku u konjittiv tal-istudenti, kif ukoll fuq il-promozzjoni tal-kuxjenza interkulturali, ir-rispett u l-pluraliżmu;

44.

Jenfasizza l-bżonn li jissaħħaħ it-tagħlim ta' lingwi bil-ħsieb li persuna titkellem żewġ lingwi barra mil-lingwa materna u li jiġi promoss fil-livell tal-iskejjel sekondarji t-tagħlim ta' tal-anqas żewġ suġġetti f'lingwa li ma tkunx lingwa materna;

45.

Jirrimarka li l-iskambji tal-iskejjel sekondarji jikkontribwixxu ħafna sabiex jinkoraġġixxu l-istudenti jiksbu abilitajiet, ħiliet, attitudnijiet u valuri intrinsiċi għaċ-ċittadinanza dinamika Ewropea u biex jiżviluppaw ħsieb kritiku kostruttiv;

46.

Jenfasizza l-bżonn li l-iskejjel ikunu aktar miftuħa sabiex jippermettu r-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali, tranżizzjonijiet b'anqas xkiel bejn toroq edukattivi differenti (bħal pereżempju tekniċi u akkademiċi);

47.

Jissottolinja li l-istudenti għandhom jiġu mħeġġa jużaw tekniki ta' awtovalutazzjoni biex ikejlu l-progress fit-tagħlim tagħhom; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet edukattivi jiżguraw li l-għodda tal-feedback jipprovdu informazzjoni affidabbli billi jużaw taħlita ta' diversi strumenti, bħal kwestjonarji ta' studenti, gruppi ta' fokus u kaxex għas-suġġerimenti;

48.

Jenfasizza l-importanza ta' ħajja attiva permezz tal-isport; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-bżonn li l-attività fiżika u l-edukazzjoni fiżika jiġu promossi u jingħataw rwol estiż fil-kurrikuli edukattivi fil-livelli kollha, b'possibilitajiet imtejba għall-iżvilupp ta' kooperazzjoni bejn l-istabbilimenti edukattivi u l-organizzazzjonijiet tal-isport lokali; jinkoraġġixxi wkoll l-inizjattivi edukattivi u l-attivitajiet extrakurrikulari bl-għan li jappoġġjaw il-ksib tal-ħtiġijiet u l-interessi individwali tal-istudenti filwaqt li anke jibnu konnessjonijiet mal-komunitajiet lokali;

49.

Jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni ta' kwalità, taħriġ vokazzjonali u attivitajiet komunitarji u volontarji biex jgħinu biex jogħla l-istatus ta' vokazzjonijiet ibbażati fuq ix-xogħol;

50.

Jinnota li għadd konsiderevoli ta' impjiegi ġodda qed jinħolqu f'industriji relatati mal-enerġija rinnovabbli, u li għaldaqstant is-setturi u l-impjiegi ekoloġiċi għandhom jiġu indirizzati fil-kurrikula tal-iskejjel;

51.

Jenfasizza li l-ħiliet tal-ġestjoni tal-informazzjoni, il-ħsieb kritiku u l-ħila li wieħed juża l-għarfien miksub huma għanijiet kruċjali tal-edukazzjoni akkademika;

52.

Jirrikonoxxi n-neċessità li jissaħħaħ it-triangolu tal-għarfien u li jittejbu r-rabtiet bejn ir-riċerka u t-tagħlim billi jiġu allokati riżorsi adegwati għall-programmi rilevanti u billi jiġi żgurat li l-istudenti involuti fi programmi ta' riċerka jingħataw il-mezzi finanzjarji biex iwettqu r-riċerka tagħhom;

53.

Jemmen li sistemi ta' edukazzjoni għolja għandhom ikunu aktar flessibbli u miftuħa, u li għandhom ikunu promossi mogħdijiet ta' taħriġ b'alternanza fl-universitajiet u fl-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ulterjuri, b'mod partikolari billi jiġu inkoraġġiti l-apprendistati, u b'hekk jingħata lok għar-rikonoxximent tat-tagħlim informali u mhux formali, u jkunu żgurati tranżizzjonijiet b'inqas intoppi bejn bejn il-livelli differenti tal-edukazzjoni, inkluża dik bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u l-edukazzjoni ogħla, kif ukoll diversi forom ta' twettiq tal-programmi; jenfasizza li dan għandu jkun ibbażat fuq komprensjoni aħjar tal-prestazzjoni tal-gradwati;

Edukazzjoni għolja

54.

Jenfasizza, fil-kuntest tal-ħolqien ta' Żona Ewropea ta' Edukazzjoni, l-importanza li nappoġġjaw u nibnu fuq l-potenzjal tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja Ewropej kollha u tal-istudenti sabiex jiġi stimulati n-netwerking, il-kooperazzjoni internazzjonali u l-kompetizzjoni;

55.

Huwa tal-opinjoni li approċċ kumplessiv għall-internazzjonalizzazzjoni, inkluża mobilità akbar għall-persunal u l-istudenti (anki permezz ta' traineeships u apprendistati), u dimensjoni internazzjonali għall-kurrikulu, u għat-tagħlim, ir-riċerka, il-kooperazzjoni u attivitajiet addizzjonali, għandu jkun element importanti tal-istituzzjonijiet Ewropej ta' edukazzjoni għolja;

56.

Huwa favur enfasi akbar fuq programmi ta' studju interdixxiplinari, u jinkoraġġixxi l-promozzjoni, b'mod parallel, tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika (STEAM) u tax-xjenzi umani u soċjali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tan-nisa u ta' gruppi oħra sottorappreżentati fis-suġġetti STEAM u l-professjonijiet rilevanti;

57.

Huwa tal-fehma li l-edukazzjoni għolja trid tinvolvi ruħha mas-soċjetà ġenerali sabiex tippromwovi t-tkabbir innovattiv u l-benesseri soċjali; jemmen li l-kooperazzjoni bejn istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja (HEIs) u l-partijiet interessati esterni hija mixtieqa, għax dawn tal-aħħar jistgħu jikkontribwixxu l-għarfien u l-ħiliet espert fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' edukazzjoni għolja; jenfasizza, madankollu, li r-responsabilità għat-teħid ta' deċiżjonijiet trid dejjem tkun tal-istudenti u l-esperti tal-pedagoġija;

58.

Jirrikonoxxi r-rwol ċentrali li jiżvolġu l-akkademiċi u l-istudenti fit-tixrid tal-għarfien, is-sejbiet u l-fatti empiriċi miksuba fost il-pubbliku ġenerali; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, riċerka li tkun ekonomikament u politikament indipendenti li hija rilevanti għas-soċjetà u toffrilha benefiċċji;

59.

Jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni bbażata fuq ir-riċerka u r-riċerka pedagoġika bħala mezz biex jiġi stimulat it-tagħlim attiv, jissaħħaħ l-iżvilupp tal-ħiliet, u tittejjeb il-metodoloġija tat-tagħlim;

60.

Jissottolinja li l-istudenti għandhom jiġu mħeġġa jużaw tekniki ta' awtovalutazzjoni biex ikejlu l-progress tagħhom fit-tagħlim;

L-għalliem bħala garanti ta' tagħlim ta' kwalità

61.

Iqis li l-għalliema u l-ħiliet, l-impenn u l-effikaċja tagħhom huma l-bażi tas-sistemi tal-edukazzjoni;

62.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu attirati lejn il-professjoni tat-tagħlim iktar kandidati motivati bi sfondi akkademiċi jew professjonali sodi u b'kompetenzi pedagoġiċi; jitlob proċeduri ta' għażla adattata u miżuri u inizjattivi speċifiċi biex jittejbu l-istatus ta' għalliema, it-taħriġ, l-opportunitajiet professjonali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluża r-remunerazzjoni, li jiġu evitati forom ta' impjieg instabbli, id-drittijiet soċjali, is-sikurezza u l-protezzjoni, kif ukoll li l-għalliema jiġu pprovduti b'appoġġ li jinkludi programmi ta' mentoring, tagħlim bejn il-pari u skambju tal-aħjar prattiki; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi ugwaljanza akbar bejn is-sessi fil-professjoni tat-tagħlim;

63.

Jenfasizza l-importanza ta' riformi u investiment fl-edukazzjoni tal-għalliema, mill-fażi inizjali u matul l-iżvilupp professjonali tal-għalliema, sabiex l-għalliema jingħataw għarfien solidu u aġġornat, ħiliet u kompetenzi essenzjali għal standard għoli ta' tagħlim, li jinkludi diversità fil-metodi ta' tagħlim, bħat-tagħlim mill-bogħod, permezz ta' teknoloġiji diġitali tat-tagħlim; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema, inkluż l-għoti ta' programmi ta' tagħlim tul il-ħajja u korsijiet ta' aġġornament u ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet matul il-karrieri tagħhom, li joffru soluzzjonijiet prattiċi għall-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-għalliema fix-xogħol tagħhom fil-livell tal-klassi, u opportunitajiet biex jipparteċipaw fi skambji internazzjonali ta' għalliema sabiex titrawwem kultura ta' tagħlim istituzzjonali;

64.

Jaqbel li t-taħriġ pedagoġiku, psikoloġiku u metodoloġiku ta' kwalità għolja ta' għalliema tal-iskola u tal-edukazzjoni terzjarja u l-lekċerers huwa kundizzjoni ewlenija biex l-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri tkun suċċess; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-qsim tal-aħjar prattiki u l-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali, programmi ta' mobilità bħal Erasmus+ u apprendistati mħallsa fi Stati Membri oħra;

65.

Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-għalliem fil-forniment ta' ambjent ta' tagħlim inklużiv li jirrikjedi l-applikazjoni ta' firxa ta' metodi u approċċi biex jissodisfaw ħtiġijiet differenti, u b'hekk l-istudenti kollha jkunu jistgħu jiġu involuti fit-tfassil, it-twettiq u l-valutazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim tagħhom; jirrikonoxxi l-funzjoni kruċjali tal-għalliema bħala gwidi u mentors proattivi li jgħallmu lill-istudenti kif jevalwaw l-informazzjoni, jadottaw rwol ta' appoġġ fil-konfront tal-isfidi, u jippreparaw lill-istudenti għall-ħajja;

66.

Iqis li l-involviment tal-għalliema u l-mexxejja tal-iskejjel biex jiġu mmodernizzati s-sistemi tal-edukazzjoni huwa vitali għal proċessi ta' riforma effettivi u l-immotivar tal-persunal edukattiv għal titjib ulterjuri fil-politika tal-iskola;

67.

Huwa tal-fehma li politika komprensiva tal-iskola trid tiggarantixxi appoġġ effikaċi għall-għalliema sabiex tiżgura l-kisba ta' miri edukattivi, ambjent tal-iskola abilitanti, skejjel li jaħdmu u jiżviluppaw b'mod effiċjenti u governanza kollaborattiva;

68.

Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-edukaturi kif ukoll tal-kooperazzjoni bejn il-ġenituri, l-għalliema u l-awtoritajiet tal-iskejjel fi ħdan l-edukazzjoni formali, mhux formali u informali fl-appoġġ għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, kollaborazzjoni msaħħa fost l-atturi kollha fit-tagħlim formali, mhux formali u informali;

69.

Huwa tal-fehma li kooperazzjoni msaħħa bejn l-għalliema, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi hija ta' benefiċċju għall-partijiet relatati kollha u tirriżulta f'titjib u aġġornament tal-kontenut tat-tagħlim, tal-prattiki tat-tagħlim u l-pedagoġija, kif ukoll trawwem l-innovazzjoni, il-kreattività u l-ħiliet ġodda;

Rakkomandazzjonijiet

70.

Iqis li z-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għandha tiffoka fuq il-kisba ta' għanijiet komuni, inkluż l-iżgurar ta' tagħlim ta' kwalità għal kulħadd, u trid tkun imfassla fuq bażi ta' u evalwazzjoni kritika ta' politiki eżistenti u xejriet u ċifri edukattivi kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE, sabiex jiġu żgurati l-koerenza, il-konsistenza u riżultati li jistgħu jinkisbu, filwaqt li jingħata wkoll impetu ġdid lill-iżvilupp tagħhom u jiġu rispettati l-prinċipji tal-għoti, tas-sussidjarjetà, tal-libertà, tal-proporzjonalità u tal-awtonomija istituzzjonali u edukattiva;

71.

Jemmen li ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni m'għandhiex tipperikola u lanqas tissostitwixxi l-Proċess ta' Bolonja u li dan tal-aħħar għandu pjuttost jiġi żviluppat u msaħħaħ; jisħaq fuq l-importanza ta' rabtiet reċiproċi u komplementari bejn iż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni u ż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja;

72.

Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw il-ħolqien ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u jsaħħu l-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-objettivi tagħha; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tiżgura l-iskambju ta' ideat u prattiki tajba bil-għan li jinkisbu dawn l-għanijiet;

73.

Jappoġġa, bħala bażi għal aktar kooperazzjoni li tħaddan l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE, il-ħolqien ta' netwerk Ewropew ta' universitajiet, ibbażat fuq approċċ minn isfel għal fuq u inizjattivi tal-universitajiet stess, li għandu jikkontribwixxi, fost l-oħrajn, biex iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ssir spazju aktar innovattiv, vitali u attraenti għat-tagħlim u r-riċerka;

74.

Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-edukazzjoni bħala investiment fil-kapital uman, u jipprovdu iktar finanzjament pubbliku ta' natura trasparenti għat-twettiq ta' inizjattivi bl-għan li tittejjeb il-kwalità, l-inklużività u l-ekwità fit-tagħlim;

75.

Jenfasizza li investiment akbar fis-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ, kif ukoll fil-modernizzazzjoni u fl-aġġustament tagħhom, jikkostitwixxu kundizzjoni kruċjali għall-progress soċjali u ekonomiku; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li jiġi żgurat li l-investiment soċjali, speċjalment fl-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd, jingħata prijorità fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss tal-QFP 2020-2026;

76.

Iħeġġeġ, fir-rigward tat-tisħiħ tal-inklużività u l-iżgurar tal-libertà tal-għażla fl-edukazzjoni, il-provvista ta' appoġġ finanzjarju adegwat għal skejjel tal-kategoriji u l-livelli kollha, skejjel statali u l-iskejjel privati mingħajr skop ta' qligħ, sakemm il-kurrikulu offrut ikun ibbażat fuq il-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jkun konformi mas-sistemi legali u r-regoli u regolamenti rigward il-kwalità tal-edukazzjoni u l-użu ta' tali fondi fis-seħħ fl-Istat Membru konċernat;

77.

Iqis li wasal iż-żmien biex isir l-investimenti neċessarju fl-infrastruttura edukattiva f'reġjuni inqas żviluppati, dejjem waqt li investiment ikkoordinat jiġi adattat għall-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjun ikkonċernat; jenfasizza f'dan ir-rigward, huwa partikolarment importanti li jkun jista' jingħata aktar appoġġ mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-fondi Ewropej għal inizjattivi reġjonali li għandhom l-għan li jiżviluppaw l-edukazzjoni;

78.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu skambju tal-esperjenzi u l-aħjar prattiki dwar il-mekkaniżmi u l-metodi tal-finanzjament pubbliku, inkluż il-finanzjament abbażi tal-prestazzjoni u l-iffinanzjar tar-riċerka kompetittiv, bil-għan li tinkiseb diversifikazzjoni ta' finanzjament sostenibbli u trasparenti;

79.

Jitlob kooperazzjoni msaħħa fost l-Istati Membri fl-immodernizzar tal-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jibdew l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li joffru mezzi li bihom jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-Ewropa permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja;

80.

Jenfasizza r-rwol tas-Semestru Ewropew fil-promozzjoni ta' riformi nazzjonali, b'mod partikolari billi jiġu definiti r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-edukazzjoni;

81.

Jistenna li l-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali jappoġġa lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet edukattivi fl-użu miżjud, aktar effikaċi u aktar adegwat għall-era u l-iżvilupp ta' teknoloġija tal-ogħla livell fit-tagħlim mill-għalliema, fit-tagħlim tagħhom stess, tal-istudenti u fl-evalwazzjoni, li jkun jissodisfa standards ta' garanzija tal-kwalità; jemmen li kwalunkwe pjan ta' edukazzjoni diġitali għandu jistabbilixxi u jivvaluta regolarment ir-rabta bejn il-mezzi diġitali tal-edukazzjoni u l-oqfsa ta' kwalifiki bbażati fuq l-eżiti tat-tagħlim;

82.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet edukattivi jippromwovu metodi ta' tagħlim individwalizzati u ċċentrati fuq min qed jitgħallem, inklużi korsijiet imfassla apposta li jkunu bbażati fuq u jgħaqqdu l-esperjenza akkademika u professjonali ta' min qed jitgħallem kif ukoll metodi innovattivi u interazzjoni bejn l-għalliema u l-istudenti, sabiex jiġu appoġġati l-edukazzjoni kontinwa u l-kisba ta' riżultati ppjanati tat-tagħlim fejn l-istudenti jkunu parteċipanti attivi fil-proċess ta' tagħlim tagħhom stess;

83.

Jistieden lill-Istati Membri jadottaw approċċ olistiku għall-edukazzjoni u jipprovdu lill-istudenti b'opportunitajiet ta' tagħlim speċifiċi u flessibbli, li jistgħu jgħammruhom bil-kompetenzi ċentrali biex jirnexxilhom jidħlu fis-suq tax-xogħol;

84.

Jitlob biex jiġi inkorporat aktar tagħlim inkwiżittiv, attiv u ta' stħarriġ ibbażat fuq il-proġetti u l-problemi fi programmi edukattivi fil-livelli kollha, bil-għan li jiġu promossi l-kooperazzjoni u x-xogħol f'tim; jirrakkomanda li s-sistemi edukattivi jaħdmu biex isaħħu ħiliet trażversali, ħiliet mhux tekniċiu ħiliet tal-ħajja;

85.

Itenni li d-dritt għall-edukazzjoni jrid jiġi ggarantit lil kull persuna b'diżabbiltà, mill-kindergarten sal-università, u jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm tagħmir għat-tagħlim u tagħmir tekniku xieraq, miżuri ta' valutazzjoni u persunal ikkwalifikat xierqa biex jiġi żgurat li l-persuni b'diżabbiltà jkunu ġenwinament kapaċi jgawdu minn dan id-dritt;

86.

Jappoġġa u jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku u l-ħsieb kritiku permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ; ifakkar fl-impenn eżistenti f'dan il-qasam, deskritt fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2016; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tikkoordina żviluppi ta' politika fil-livell tal-UE fil-qasam tal-litteriżmu medjatiku bil-għan li jinxterdu għarfien aġġornat u l-aħjar prattiki f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri speċifiċi sabiex jippromwovu u jappoġġaw il-proġetti tal-litteriżmu medjatiku u diġitali, bħall-proġett pilota dwar il-Litteriżmu Medjatiku għal Kulħadd, u biex jiżviluppaw strateġija komprensiva dwar il-politika tal-kompetenza diġitali, b'enfasi partikolari fuq l-edukazzjoni fl-iskola;

87.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw opportunitajiet biex jiżviluppaw kompetenzi ewlenin sabiex iżommu u jakkwistaw ħiliet filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lil ħiliet bażiċi, dixxiplini STEAM, kompetenzi lingwistiċi, ħiliet intraprenditorjali, kompetenzi diġitali, kreattività, ħsieb kritiku u xogħol f'tim; Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-użu tal-Qafas tal-Kompetenzi Ewlenin tal-UE fl-ambjenti edukattivi kollha u biex jippermettu l-applikazzjoni tiegħu għat-tagħlim formali, mhux formali u informali, u b'hekk jiġi mmassimizzat il-potenzjal tiegħu bħala għodda kruċjali għat-tagħlim tul il-ħajja;

88.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza pubblika dwar it-tagħlim tul il-ħajja u jintegraw perspettiva tal-ġeneru fl-iżvilupp ta' politiki u programmi rilevanti, b'enfasi partikolari fuq in-nisa b'livelli baxxi ta' edukazzjoni, kemm f'żoni urbani kif ukoll rurali, biex dawn jingħataw opportunitajiet li jtejbu l-ħiliet tagħhom;

89.

Jappoġġa l-parametru referenzjarjumiżjud tal-UE għall-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tipproponi rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li dan l-għan ambizzjuż jinkiseb; iħeġġeġ enfasi ikbar fuq it-tagħlim tul il-ħajja fil-livelli kollha tal-edukazzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja fir-realizzazzjoni ta' strateġija ta' tagħlim tul il-ħajja, fl-edukazzjoni ta' persuni attivi professjonalment, fl-iżvilupp ta' kompetenzi u fil-formazzjoni ta' kultura tat-tagħlim għal persuni ta' kull età u bi sfondi differenti;

90.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp, il-promozzjoni u t-tisħiħ ta' programmi ta' taħriġ u ta' edukazzjoni li jiffaċilitaw it-tagħlim tal-adulti u l-inklużjoni attiva tagħhom fis-sistema edukattiva; ifakkar li t-tagħlim u l-edukazzjoni tal-adulti għandhom jipprovdu varjetà ta' toroq ta' tagħlim u opportunitajiet flessibbli ta' tagħlim, inkluż appoġġ lill-persuni biex iġestixxu t-toroq tagħhom ta' tagħlim tul il-ħajja, programmi li jagħtu ċans ieħor lill-persuni li qatt ma marru skola, dawk li telqu mill-iskola qabel iż-żmien u dawk li ħarġu mill-iskola; jitlob lill-Kummissjoni timplimenta l-impenji bħal Garanzija ta' Ħiliet kif stipulat fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa u taġixxi biex jitjiebu l-opportunitajiet ta' impjieg tal-adulti bi ftit ħiliet fl-UE;

91.

Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw proġetti interġenerazzjonali biex jiffaċilitaw il-fehim tal-isfidi li jiffaċċjaw l-anzjani u jipprovdulhom ukoll opportunitajiet biex jaqsmu l-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza tagħhom;

92.

Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' sinerġiji u kollaborazzjonijiet bejn it-tagħlim formali, mhux formali u informali; jilqa' l-progress li sar f'dawn l-aħħar snin lejn l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali sal-2018; jistieden madankollu lill-Istati Membri jkomplu lil hinn mill-2018 bl-isforzi tagħhom biex isaħħu ulterjorment l-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjoni, u biex jistabbilixxu oqfsa ġuridiċi rilevanti u joħolqu strateġiji komprensivi ta' validazzjoni sabiex jippermettu l-validazzjoni; jenfasizza li r-rikonoxximent tat-tagħlim informali u mhux formali, inkluż permezz ta' korsijiet online b'xejn, huwa ċentrali għall-idea li l-edukazzjoni tinfetaħ għal dawk aktar żvantaġġati;

93.

Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-ġenituri bħala parti mit-trijangolu tal-edukazzjoni fl-appoġġ tat-tagħlim tat-tfal; jissottolinja l-benefiċċji tal-involviment tal-ġenituri fl-edukazzjoni tat-tfal għas-suċċess akbar tal-istudent, għall-benesseri tal-istudenti u l-iżvilupp tal-iskejjel;

94.

Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa inizjattivi transfruntiera f'tagħlim miftuħ online;

95.

Jenfasizza li l-kwalità tal-edukazzjoni għandha titkejjel f'termini tal-grad li jkun laħaq l-istudent, u mhux biss l-għarfien u l-kompetenzi tiegħu, iżda wkoll il-kapaċità li jkompli jsegwi u jiżviluppa t-tagħlim tul il-ħajja u l-isforzi kreattivi tiegħu;

96.

Jappoġġa lill-Kummissjoni fil-ħolqien ta' tabella ta' valutazzjoni biex tappoġġa l-iżvilupp ta' kompetenzi ewlenin kif ukoll edukazzjoni, tagħlim u t-taħriġ ibbażati fuq il-kompetenza;

97.

Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu l-istereotipi tas-sessi fl-edukazzjoni biex jiġi żgurat li n-nisa jkollhom l-istess opportunitajiet u libertà ta' għażla fir-rigward tal-karriera li jixtiequ; huwa mħasseb, f'dan il-kuntest, dwar l-istereotipi li għadhom jeżistu f'materjal tat-tagħlim f'xi Stati Membri u l-aspettattivi differenti tal-għalliema fir-rigward tal-imġiba tal-bniet u s-subien; jiġbed l-attenzjoni dwar il-bżonn li jiġi inkorporat il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi kemm fit-taħriġ inizjali u kontinwu tal-għalliema, kif ukoll fil-prattiki ta' tagħlim, sabiex jiġi eliminat kwalunkwe ostakolu li jimpedixxi lill-istudenti milli jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom irrispettivament mill-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri biex, meta jimplimentaw l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kurrikuli u s-sillabi tas-sistemi edukattivi reġjonali, jagħtu attenzjoni speċjali lir-reġjuni ultraperiferiċi, filwaqt li jieħdu kont tar-rati għolja ta' vjolenza kontra n-nisa rreġistrati f'dawk ir-reġjuni; jenfasizza li s-sistemi edukattivi fil-livelli kollha jeħtieġ li jinkludu perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jieħdu kont tal-ħtiġijiet tal-persuni li jbatu minn diskriminazzjoni;

98.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni fl-istituzzjonijiet edukattivi, kemm jekk dan ikun permezz ta' tagħlim formali kif ukoll informali;

99.

Jirrakkomanda lill-Kummissjoni u/jew lill-Istati Membri l-ħolqien u l-promozzjoni ta' premju Ewropew/nazzjonali fuq it-tema tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet edukattivi, bl-għan li titħeġġeġ l-aħjar prattika;

100.

Jenfasizza li l-edukazzjoni hija għodda ewlenija għall-inklużjoni soċjali u għat-titjib tal-livelli ta' ħiliet u l-kwalifiki fost il-migranti u r-rifuġjati, kemm minorenni kif ukoll adulti; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-integrazzjoni permezz tal-edukazzjoni u l-qsim ta' valuri komuni, it-titjib u l-iffaċilitar tar-rikonoxximent ta' diplomi u kwalifiki, l-għoti ta' boroż ta' studju u l-istabbiliment ta' sħubiji ma' universitajiet fil-pajjiżi ta' oriġini, kif ukoll il-bini fuq l-esperjenza siewja tal-Kurituri tal-Edukazzjoni;

101.

Jenfasizza li għandhom isiru sforzi akbar biex jiġi żgurat l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha għal studenti minn minoranzi awtoktoni u biex jappoġġaw istituzzjonijiet edukattivi li jipprovdu servizzi fl-ilsien nattiv ta' minoranzi awtoktoni etniċi jew lingwistiċi; jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-promozzjoni ta' programmi ffukati fuq l-iskambju tal-esperjenzi u l-aħjar prattiki dwar l-edukazzjoni f'lingwi reġjonali u ta' minoranza fl-Ewropa; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' tagħlim bl-ilsien nattiv tal-istudenti u l-istudenti;

102.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-livell ta' kompetenzi lingwistiċi permezz tal-użu ta' prattiki tajbin, bħall-kisba tal-ewwel ċertifikat f'lingwa barranija taħt ċerta età mogħti mill-istat;

103.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu sistema ta' għotjiet innovattivi u flessibbli għat-trawwim tal-ħiliet artistiċi u sportivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ; jappoġġa lill-Istati Membri li qed ifittxu li jintroduċu skemi ta' boroż ta' studju għall-istudenti b'kapaċitajiet ippruvati fil-qasam edukattiv, sportiv u artistiku;

104.

Jilqa', f'dan ir-rigward, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa (COM(2016)0381), li tipproponi soluzzjonijiet għan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u għan-nuqqas ta' ħiliet u bħala mezz għas-sejba tas-sistema t-tajba tar-rikonoxximent tal-ħiliet; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jistabbilixxu sistemi b'alternanza ta' kwalità ta' edukazzjoni (li għandhom valur kbir f'termini ta' olistiku għall-iżvilupp personali u l-iżvilupp tal-ħiliet għat-tagħlim tul il-ħajja) u taħriġ vokazzjonali b'koordinazzjoni mal-atturi lokali u reġjonali, u skont in-natura speċifika ta' kull sistema edukattiva; jieħu nota, f'dan il-kuntest, tal-importanza tal-provvediment ta' toroq flessibbli bejn tipi differenti ta' edukazzjoni, u l-vantaġġi u l-attraenza dejjem akbar tas-sistema ETV ibrida li tikkombina b'mod ugwali toroq ibbażati fuq skola u toroq ibbażati fuq xogħol;

105.

Jirrakkomanda li l-gwida edukattiva għandha tissaħħaħ bħala għodda vitali li tħaddan diversi sistemi edukattivi b'mod flessibbli filwaqt li tarrikkixxi u taġġorna l-għarfien u l-ħiliet;

106.

Jappoġġa u jinkoraġġixxi gwida edukattiva u vokazzjonali bħala kompitu edukattiv vitali għall-iżvilupp individwali u soċjali tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ;

107.

Huwa tal-fehma li l-intraprenditorija hija xprun għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u tikkostitwixxi wkoll mezz biex l-ekonomiji jsiru aktar kompetittivi u innovattivi, u dan jikkontribwixxi għall-emanċipazzjoni tan-nisa;

108.

Jenfasizza li l-imprenditorija soċjali hija qasam li qed jikber li jista' jagħti spinta lill-ekonomija filwaqt li fl-istess ħin itaffi l-privazzjoni, l-esklużjoni soċjali u problemi soċjetali oħra; iqis, għaldaqstant, li l-edukazzjoni intraprenditorjali għandha tinkludi dimensjoni soċjali, u għandha tindirizza suġġetti bħall-kummerċ ġust, l-intrapriżi soċjali, responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi u mudelli ta' negozju alternattivi, bħall-kooperattivi, sabiex isir sforz biex tinkiseb ekonomija aktar soċjali, inklużiva u sostenibbli;

109.

Jistieden lill-Istati Membri jiffokaw fuq l-edukazzjoni intraprenditorjali u finanzjarja, il-volontarjat u l-għarfien ta' lingwi barranin fl-edukazzjoni u jagħtu prijorità wkoll lil dawn il-ħiliet fl-ETV;

110.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-opportunitajiet ta' impjieg konkreti assoċjati mal-edukazzjoni ETV u r-rilevanza tagħha fis-suq tax-xogħol;

111.

Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw gwida għall-karriera li tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-kapaċitajiet u l-predispożizzjonijiet tal-istudenti fil-livelli kollha, u ssaħħaħ il-proċess ta' tagħlim personalizzat;

112.

Jenfasizza ċ-ċirkostanzi edukattivi speċjali tat-tfal u l-adolexxenti li l-ġenituri tagħhom jivvjaġġaw fl-Ewropa għal raġunijiet ta' xogħol, u jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju sabiex tenfasizza s-sitwazzjoni speċifika tagħhom fir-rigward tal-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom fir-rigward tal-edukazzjoni ta' qabel l-iskola u tal-iskola;

113.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni, waqt li taġixxi skont l-Artikolu 349 tat-TFUE, iżżid l-appoġġ lill-Istati Membri li għandhom reġjuni ultraperiferiċi, bil-għan li jitjiebu s-sistemi edukattivi tagħhom fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

114.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jivvalutaw u jissorveljaw regolarment r-rilevanza ta'-politiki, strateġiji u programmi edukattivi, ukoll billi jqisu l-feedback minn għalliema u studenti, sabiex jiżguraw li s-sistemi edukattivi jkomplu jindirizzaw il-ħtiġijiet li qed jinbidlu u s-sitwazzjoni soċjoekonomika li qed tevolvi kontinwament tal-pajjiż ikkonċernat; jirrakkomanda li jissaħħu r-rabtiet bejn il-politika tal-edukazzjoni u politiki oħra biex jitrawmu u jiġu vvalutati l-effiċjenza u l-prestazzjoni tar-riformi edukattivi;

115.

Itenni l-importanza tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni u tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-programmi tal-UE li għandhom l-impjieg taż-żgħażagħ fil-mira; jenfasizza l-importanza ta' investiment effettiv u sostenibbli;

116.

Japprezza l-attivitajiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni, u f'dan il-kuntest, jistieden lill-Istati Membri biex ikunu aktar involuti u impenjati biex jimplimentaw it-titjib propost;

117.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, b'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, jappoġġaw lill-istituzzjonijiet edukattivi fl-immodernizzar tal-proċessi ta' riforma billi jassenjaw punti ta' kuntatt speċjalizzati fil-livell nazzjonali u/jew reġjonali biex jipprovdu informazzjoni rilevanti, gwida u assistenza;

118.

Itenni l-ħtieġa li jinħolqu ambjenti ta' tagħlim ibbażati fuq id-drittijiet u li jkunu sensittivi għall-ġeneru biex l-istudenti jkunu jistgħu jitgħallmu dwar id-drittijiet tal-bniedem u jiddefenduhom, inklużi d-drittijiet tan-nisa u t-tfal, il-valuri fundamentali u l-parteċipazzjoni ċivika, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet taċ-ċittadini, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, billi jkunu kunfidenti fl-identità tagħhom, billi jkunu konxji tal-fatt li leħinhom jinstema' u jħossuhom apprezzati mill-komunitajiet tagħhom;

Edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC)

119.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess bla ħlas u ġust għal ECEC ta' kwalità għolja, u jħeġġiġhom biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet materjali u finanzjarji biex it-tfal kollha jkollhom aċċess għall-edukazzjoni bikrija tat-tfal mingħajr diskriminazzjoni, u biex jipprovdu aktar postijiet ta' nursery u kindergarten u għat-tfal;

120.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-istabbiliment ta' qafas Ewropew komuni għall-ECEC, billi tibni fuq il-prinċipji proposti fil-Qafas tal-Kwalità; jappoġġa l-istabbiliment ta' punt ta' riferiment Ewropew għall-kwalità tal-ECEC li għandu jiġi mfassal f'kooperazzjoni mal-għalliema u l-professjonisti tas-settur, u skont indikaturi ta' kwalità nazzjonali jew reġjonali;

121.

Jemmen li l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar sforzi biex jinkoraġġixxu lill-korpi governattivi tal-istituzzjonijiet tal-ECEC biex jinvestigaw il-possibbiltà li jwettqu proġetti madwar l-Ewropa kollha; jinnota li l-professjonisti jistgħu, b'dan il-mod, ikunu kapaċi jsegwu tal-innovazzjonijiet fit-tagħlim u jagħmlu l-edukazzjoni ta' qabel l-iskola aktar sinifikanti;

122.

Isostni li l-istituzzjonijiet fl-ewwel snin tat-tfulija m'għandhomx jiġu esklużi minn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni; iqis li dawn l-istituzzjonijiet għandhom bl-istess mod jippromwovu l-iskambju tal-għarfien fost l-Istati Membri, speċjalment għall-finijiet tal-qsim ta' informazzjoni meta jimplimentaw proġetti innovattivi;

123.

Jirrakkomanda li tiżdied il-kooperazzjoni bejn il-persunal tal-ECEC u l-għalliema tal-iskejjel ta' qabel il-primarja biex tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u l-konnessjonijiet bejn il-livelli tal-edukazzjoni, biex l-istudenti tal-iskejjel ta' qabel il-primarja jiġu mħejjija għat-tranżizzjoni lejn l-iskola primarja u biex issir enfasi fuq l-iżvilupp tat-tfal; jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet bejn il-fornituri tal-ECEC u l-ġenituri tat-tfal u t-tuturi, bejn il-persunal u t-tfal tal-iskola, u fost it-tfal infushom;

124.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament għall-ECEC kif ukoll l-appoġ u l-inizjattivi ekonomiċi (bħal pereżepju tnaqqis tat-taxxi, sussidji jew tneħħija tat-tariffi) għall-ġenituri u l-gwardjani, speċjalment dawk minn sfondi soċjoekonomikament żvantaġġati, sabiex ikunu jistgħu jużaw is-servizzi tal-ECEC u jiġu inkoraġġiti jużawhom;

125.

Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jinvestu fil-persunal sabiex jattiraw aktar nies biex isegwu l-karriera rilevanti u b'hekk jiżguraw id-disponibbiltà ta' persunal bi kwalifiki għolja għall-ECEC;

126.

Jistieden lill-Istati Membri jirriformaw u jtejbu s-sistemi tagħhom bl-għan li jintlaħqu l-objettivi ta' Barċellona li jkun hemm mill-inqas 33 % tat-tfal taħt it-tliet snin li jipparteċipaw fi programmi ECEC;

Edukazzjoni fl-iskola

127.

Jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta' "approċċ għal skola sħiħa"sabiex jiżdiedu l-inklużjoni soċjali, l-aċċessibilità, il-governanza demokratika, il-kwalità u d-diversità fl-edukazzjoni, kif ukoll biex jiġu indirizzati t-tluq bikri mill-iskola u l-kwistjoni tan-NEETs, filwaqt li jinżamm l-għan li r-riżultati tat-tagħlim u l-ħtiġijiet, il-benesseri u l-involviment tal-istudenti fil-ħajja tal-iskola jitpoġġew fil-qalba ta' kull attività; huwa favur il-promozzjoni u l-appoġġ ta' strutturi demokratiċi ta' rappreżentanti tal-istudenti tal-iskola;

128.

Jenfasizza li l-għadd kbir ta' NEETs - kważi 6,3 miljun żagħżugħ u żagħżugħa bejn l-etajiet ta' 15 u 24 sena - jista' jitnaqqas billi jiġi prevenut it-tluq bikri mill-iskola, u billi l-iskejjel ikunu magħmula aktar prattiċi u konnessi mal-ambjent lokali tagħhom, kif ukoll billi jiġu żviluppati rabtiet ma' kumpaniji lokali, awtoritajiet lokali, istituzzjonijiet soċjali u NGOs; huwa tal-fehma li t-tluq bikri mill-iskola, li hu waħda mir-raġunijiet għalfejn iż-żgħażagħ sussegwentement isiru NEETs, jista' jiġi miġġieled billi jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jemmen li huwa importanti wkoll li l-istudenti jingħataw appoġġ biex isibu l-metodi tat-tagħlim tagħhom stess, inklużi korsijiet fuq l-internet u tagħlim imħallat; jilqa' l-implimentazzjoni ta' kurrikula rilevanti u impenjattivi u ta' sistemi ta' gwida sodi u żviluppati sew, b'servizzi ta' counselling u gwida ta' kwalità għall-istudenti kollha;

129.

Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-opportunitajiet u l-istrutturi għall-kollaborazzjoni interna u esterna fil-livell tal-iskejjel, inklużi l-kooperazzjoni interdixxiplinari, it-tagħlim f'tim, ir-raggruppamenti tal-iskejjel u l-interazzjonijiet ma' atturi involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' perkorsi tat-tagħlim; jinnota l-importanza ta' skambji internazzjonali u sħubijiet bejn l-iskejjel permezz ta' programmi bħal Erasmus+ u e-Twinning;

130.

Jenfasizza li l-edukazzjoni fl-iskejjel għandha wkoll issir aktar flessibbli sabiex ittejjeb ir-rispons għaċ-ċirkostanzi reali tal-ħajja tal-istudenti, pereżempju permezz ta' żieda fl-użu ta' servizzi online, sabiex, pereżempju, opportunitajiet ta' tagħlim imħallat ikunu jistgħu jittejbu wkoll;

131.

Jemmen li iktar ma l-persuni jiksbu ħiliet STEAM kmieni, aktar jiżdiedu l-possibilitajiet tagħhom ta' suċċess edukattiv u professjonali; għalhekk, jinkoraġġixxi aktar inizjattivi STEAM fil-livell tal-iskejjel, u fl-istess ħin, il-promozzjoni tax-xjenzi umani u soċjali, permezz ta' kooperazzjoni msaħħa u differenzjata ma' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u tar-riċerka xjentifika, fost mezzi oħra;

132.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp fost iż-żgħażagħ Ewropej ta' ħiliet lingwistiċi f'ambjenti edukattivi formali u mhux formali billi jiġu żviluppati pedagoġiji multilingwi innovattivi, il-qsim tal-aħjar prattiki ta' pedagoġija multilingwi, u jiġu msaħħa l-kompetenzi lingwistiċi tal-għalliema;

133.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw inizjattivi eżistenti u jiżviluppaw u jimplimentaw politiki totalment komprensivi dwar edukazzjoni u strateġiji inklużivi mmirati lejn ħtiġijiet speċifiċi, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-aktar gruppi vulnerabbli, bil-ħolqien ta' ambjenti ta' tagħlim iktar inklużivi u t-tisħiħ tal-ftuħ u tal-impenn; jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Edukazzjoni Inklużiva, tiżviluppa metodi innovattivi u għodod edukattivi biex trawwem l-inklużjoni u tissodisfa l-ħtiġijiet ta' studenti individwali;

134.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jintegraw it-tagħlim dwar l-UE fil-kurrikuli tal-iskejjel sekondarji tagħhom, sabiex l-istudenti jiffamiljarizzaw ruħhom mal-funzjonament tal-Unjoni, l-istorja tagħha u l-valuri taċ-ċittadinanza Ewropea;

135.

Jenfasizza l-importanza li jiġi inkluż u promoss fil-kurrikuli skolastiċi u l-kontenut edukattiv għarfien dwar l-istorja tal-emanċipazzjoni tan-nisa, u b'mod partikolari d-dritt tal-vot għan-nisa, inkluż fl-okkażjoni tal-anniversarji simboliċi (eż. l-2018 bħala l-100 anniversarju minn meta n-nisa ħadu d-dritt li jivvutaw fil-Polonja u l-Ġermanja) sabiex jiżdied l-għarfien bil-ħsieb li jiġu promossi d-drittijiet tan-nisa fi ħdan qafas edukattiv;

136.

Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni dwar is-saħħa u r-relazzjonijiet, li jeħtieġ tinkludi t-tagħlim lit-tfal u ż-żgħażagħ dwar relazzjonijiet ibbażati fuq l-ugwaljanza, il-kunsens, ir-rispett u r-reċiproċità, kif ukoll it-tagħlim dwar d-drittijiet tan-nisa u l-bniet, inklużi s-saħħa u d-drittijiet riproduttivi u sesswali, bħala għodda biex jiġu miġġielda l-istereotipi u tiġi pprevenuta l-vjolenza sessista u l-promozzjoni tal-benesseri;

137.

Iħeġġeġ taħriġ tas-Salib l-Aħmar fl-iskejjel għall-istudenti, l-għalliema u l-persunal li ma jgħallimx, biex jingħata kontribut għat-tagħlim ta' ħiliet essenzjali tal-ewwel għajnuna u biex wieħed ikun kapaċi jaġixxi f'każ ta' emerġenza;

138.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw skema pilota biex jappoġġaw skambji ta' studenti sekondarji li taħthom iqattgħu tal-anqas nofs is-sena akkademika fi Stat Membru ieħor;

139.

Jistieden lill-Istati Membri jillimitaw sal-minimu meħtieġ l-użu ta' testijiet standardizzati bħala strumenti biex jiġi vvalutat il-livell tal-għarfien u l-ħiliet miksuba;

140.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkunsidraw l-adozzjoni ta' miżuri li jiżguraw ir-rikonoxximent ta' perjodi ta' studju barra mill-pajjiż li ma jirriżultawx f'diploma jew kwalifika; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida għar-rikonoxximent ta' perjodi ta' studju barra mill-pajjiż, filwaqt li tqis l-aħjar prattiki eżistenti tal-Istati Membri, il-prinċipju tal-apprezzament reċiproku bejn is-sistemi edukattivi, u l-approċċ ibbażat fuq kompetenzi bażiċi, kif ukoll l-ispeċifiċitajiet ta' sistemi tal-edukazzjoni u kulturi nazzjonali;

141.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-bullying, il-bullying ċibernetiku, il-fastidju, id-dipendenza u l-vjolenza billi, fil-livell tal-iskejjel u b'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha (b'mod partikolari l-għalliema, l-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u l-NGOs speċjalisti), jiżviluppaw programmi ta' prevenzjoni u kampanji ta' sensibilizzazzjoni favur l-inklużjoni;

142.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet edukattivi tagħhom u l-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom b'mod aktar attiv fil-promozzjoni tal-prattika tal-isport fost l-istudenti;

Edukazzjoni għolja

143.

Jitlob il-ħolqien ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni abbażi tal-potenzjal tal-oqfsa eżistenti, eż. iż-Żona Ewropea tar-Riċerka, l-Unjoni ta' Innovazzjoni, iż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja, b'tali mod li jsaħħu u jikkomplementaw lil xulxin;

144.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinvestu tal-inqas 2 % tal-PDG rispettiv tagħhom fl-edukazzjoni għolja u biex jikkonformaw mal-punt ta' riferiment tal-UE tal-investiment ta' 3 % tal-PDG tal-Unjoni fir-R&Ż sal-2020;

145.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex, meta jkunu qed jagħmlu użu mir-riżorsi nazzjonali u reġjonali u jallokaw fondi strutturali u ta' investiment Ewropej, jagħtu prijorità lil programmi edukattivi ulit-trawwim ta' kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni għolja, id-dinja tax-xogħol, l-industrija, il-komunitajiet ta' riċerka u s-soċjetà kollha kemm hi;

146.

Jistieden lill-Istati Membri jrawmu mobilità aktar inklużiva u aċċessibbli tal-istudenti, l-apprendisti, l-għalliema apprendisti, ir-riċerkaturi u l-persunal amministrattiv, peress li dan jikkontribwixxi kemm għall-iżvilupp personali u professjonali tagħhom kif ukoll għal kwalità ogħla tat-tagħlim mill-għalliema, tat-tagħlim mill-istudenti, tar-riċerka u tal-amministrazzjoni; jappoġġa l-iffaċilitar ta' mobilità għal kulħadd, fost miżuri oħrajn permezz ta' rikonoxximent bla xkiel ta' krediti u kwalifiki akkademiċi u professjonali miksuba barra mill-pajjiż, finanzjament adegwat u assistenza personali, garanziji ta' drittijiet soċjali u, fejn xieraq, l-inkorporazzjoni ta' mobilità edukattiva bħala parti minn programmi edukattivi; jinnota, f'dan ir-rigward, l-inizjattivi l-ġodda tal-Kummissjoni, inkluża l-eCard biex tiffaċilita l-mobilità tal-istudenti bejn il-fruntieri;

147.

Huwa tal-fehma li l-finanzjament għall-mobilità tal-persunal tal-għalliema u tar-riċerkaturi jeħtieġ li jiżdied billi jiġu previsti għotjiet għall-istudju/għar-riċerka minbarra r-rimborż tal-ispejjeż, l-estensjoni tat-tul ta' soġġorni barra mill-pajjiż, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni u l-promozzjoni ta' forom ta' tutoraġġ konġunt għalliem/riċerkatur;

148.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-mobilità fl-edukazzjoni tal-adulti, kif diġà previst fil-programm Erasmus+;

149.

Jenfasizza l-importanza li jiġu garantiti r-rikonoxximent transfruntier reċiproku u l-kompatibbiltà tal-kwalifiki u l-lawrji akkademċi għat-tisħiħ tas-sistema tal-assigurazzjoni tal-kwalità fil-livell tal-UE u fil-pajjiżi kollha li ssieħbu fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja;

150.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji komprensivi u għodod xierqa biex tiġi determinata l-kwalità ta' modi ġodda ta' tagħlim, pereżempju tagħlim elettroniku, korsijiet online miftuħa massivi (MOOCs) u riżorsi b'aċċess miftuħ; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, ir-rwol tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Garanzija ta' Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (ENQA) u netwerks Ewropej oħra rilevanti fil-kontribut għall-istabbiliment ta' assigurazzjoni tal-kwalità;

151.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja fost il-HEIs, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-impjegaturi, bil-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-isfidi tal-HEIs u tal-istudenti, jinħolqu rabtiet mal-atturi lokali u reġjonali, jintlaħqu l-komunitajiet lokali, jitrawmu l-iżvilupp u l-innovazzjoni lokali u reġjonali, jinbnew sistemi ta' edukazzjoni għolja inklużivi u konnessi, tissaħħaħ il-kollaborazzjoni mad-dinja tax-xogħol u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-reġjuni f'termini ta' ħiliet; jinkoraġġixxi barra minn hekk lill-HEIs biex ikunu aktar involuti fl-iżvilupp lokali u reġjonali billi jipparteċipaw fi proġetti kooperattivi tal-komunità, fost azzjonijiet oħra;

152.

Jitlob li jiġu ssodisfati l-impenji tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet, inkluż l-appoġġ lill-Istati Membri biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni iktar informazzjoni dwar kif il-gradwati jagħmlu progress fis-suq tax-xogħol; jilqa', f'dan il-kuntest, il-proposta biex tiġi stabbilita sistema ta' traċċar tal-gradwati Ewropej sal-2020; iqis li informazzjoni dwar it-traċċar tal-gradwati u ġbir ta' data preċiż u rilevanti (mhux biss fil-livell nazzjonali iżda wkoll fil-livell tal-UE) huma essenzjali għal assigurazzjoni tal-kwalità u għall-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità;

153.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tnaqqas id-distakk fir-riċerka u l-innovazzjoni fost l-Istati Membri u r-reġjuni billi tipproponi inizjattivi ġodda fil-qafas tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA), kif ukoll tappoġġa l-kombinazzjoni ta' attivitajiet ta' riċerka u tagħlim għall-benefiċjarji tal-MSCA li qed iħejju għal karriera akkademika;

154.

Jissuġġerixxi li l-koalizzjoni EU STE(A)M tkun tinkludi firxa wiesgħa ta' suġġetti biex tħejji lill-istudenti jgħixu u jaħdmu f'kuntest ta' realtà li qed tinbidel b'mod dinamiku;

155.

Jappoġġa l-għoti ta' krediti tal-Iskema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment tal-Krediti (ECTS) lil studenti għal xogħol ta' volontarjat fil-komunità, bħala mezz biex jingħata kontribut lill-iżvilupp professjonali u personali tal-istudenti;

156.

Jenfasizza li l-programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali, id-diplomazija kulturali u d-djalogi ta' politika ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-edukazzjoni għolja mhux biss jippermettu li l-għarfien jasal aktar liberament, iżda jikkontribwixxu wkoll għat-tisħiħ tal-kwalità u r-reputazzjoni internazzjonali tal-edukazzjoni għolja Ewropea, filwaqt li jagħtu spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni, irawmu l-mobilità u d-djalogu interkulturali, u jippromwovu l-iżvilupp internazzjonali f'konformità mal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-UE;

157.

Huwa tal-fehma li sistemi tal-edukazzjoni validi għall-futur għandhom jinkludu tagħlim għas-sostenibbiltà u l-bini tal-paċi u għandhom ikunu parti minn riflessjoni usa' dwar il-litteriżmu okkupazzjonali fil-kuntest ta' diġitalizzazzjoni u robotizzazzjoni dejjem akbar tas-soċjetajiet Ewropej, filwaqt li jikkonċentraw mhux biss fuq it-tkabbir ekonomiku iżda wkoll fuq l-iżvilupp personali, it-titjib tas-saħħa u l-benesseri tal-istudenti;

158.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u d-dinja tax-xogħol sabiex l-istudenti jitħejjew aħjar biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, kif ukoll biex jieħdu azzjoni dwar il-ħtieġa li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u n-nuqqas ta' ħiliet; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, l-inklużjoni ta' kollokamenti tax-xogħol rilevanti u ta' kwalità għolja, rikonoxxuti permezz ta' krediti ECTS, fi programmi tal-edukazzjoni għolja u skemi ETV, il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, id-dinja tax-xogħol, is-settur tar-riċerka u l-atturi ekonomiċi lokali u reġjonali fil-ħolqien ta' sistemi doppji ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, gwida għall-karriera, apprendistati u wkoll taħriġ ibbażat fuq ir-realtà, li għandhom ikunu parti minn kurrikuli tal-edukazzjoni għolja u vokazzjonali; jitlob ukoll li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw id-dritt ta' kull żagħżugħ fl-UE li jiġi offrut impjieg, apprendistat, taħriġ addizzjonali jew xogħol u taħriġ ikkombinati;

159.

Jemmen li biex ikun żgurat li jiġu offruti kollokamenti f'apprendistati jew traineeship ta' kwalità, hija fundamentali l-eżistenza ta' kuntratti li jiddelinjaw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet kollha u jispeċifikaw it-tul, l-objettivi tat-tagħlim u l-kompiti li jikkorrispondu għal ħiliet identifikati b'mod ċar li għandhom jiġu żviluppati, l-istatus tal-impjieg, kumpens/rimunerazzjoni adegwati, inkluż għas-sahra, protezzjoni soċjali u skemi ta' sigurtà skont il-liġi nazzjonali applikabbli, ftehimiet kollettivi applikabbli, jew it-tnejn li huma;

160.

Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu offruti kontenut xieraq ta' tagħlim u taħriġ, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, għat-traineeships u għall-apprendistati, biex jiġi żgurat ir-rwol kruċjali tagħhom fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-ħajja professjonali; jenfasizza li t-traineeships u l-apprendistati qatt m'għandhom jintużaw bħala sostituti għal impjiegi, u li t-trainees u l-apprendisti m'għandhomx jiġu trattati bħala fħaddiema irħas jew saħansitra ħaddiema mhux imħallsa;

161.

Jissuġġerixxi li l-universitajiet u ċ-ċentri ta' taħriġ jipprovdu taħriġ bażiku u avvanzat għal għalliema tal-edukazzjoni vokazzjonali, b'kontributi minn esperti f'oqsma ta' ħidma li jikkorrispondu għal oqsma speċifiċi koperti minn korsijiet vokazzjonali;

L-għalliem bħala garanti ta' tagħlim ta' kwalità

162.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-għalliema fl-inkorporazzjoni tal-innovazzjoni u t-teknoloġija fit-tagħlim permezz ta' tisħiħ tal-ħiliet diġitali tagħhom, kif ukoll tipprovdihom b'riżorsi u appoġġ rilevanti, pereżempju permezz tal-provvista ta' taħriġ aġġornat u l-iżvilupp ta' komunitajiet online u riżorsi u korsijiet edukattivi miftuħa;

163.

Jappoġġa l-ħolqien tal-Akkademja tat-Tagħlim, bħala faċilità komplementari li tippermetti lill-għalliema jitħarrġu u jiskambjaw l-aħjar prattiki fil-livell Ewropew, billi jipprovdu ċentru għal skambju online, qsim ta' esperjenzi u tagħlim reċiproku, kif ukoll li jkun post għal laqgħat regolari fil-forma ta' sessjonijiet ta' ħidma, seminars u konferenzi għall-promozzjoni tal-kollaborazzjoni tal-għalliema, it-tisħiħ tal-kwalità tat-tagħlim u t-tisħiħ tal-iżvilupp professjonali tal-għalliema; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi proġett dwar il-ħolqien ta' dan it-tip ta' akkademja, ibbażata wkoll fuq l-għarfien tal-European Schoolnet Academy;

164.

Ifakkar fl-importanza ta' taħriġ pedagoġiku għall-persunal tat-tagħlim fil-HEIs u li l-kompetenzi pedagoġiċi jitqiesu tal-anqas bħala ugwalment importanti daqs il-kompetenzi ta' riċerka fil-proċess tar-reklutaġġ; jenfasizza r-rwol ta' edukazzjoni bbażata fuq ir-riċerka u tar-riċerka pedagoġika biex jiġi stimulat approċċ iċċentrat fuq l-istudent għat-tagħlim, biex jitħeġġeġ it-tagħlim attiv, jissaħħaħ l-iżvilupp tal-ħiliet u tittejjeb il-metodoloġija tat-tagħlim;

165.

Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu inċentivi biex jattiraw u jimmotivaw liż-żgħażagħ u lill-għalliema kwalifikati biex dawn jidħlu fis-sistema edukattiva u jaħdmu fiha;

166.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rikonoxxut l-istatus professjonali ta' impjegati tal-ECEC;

167.

Jitlob appoġġ għal għalliema li jagħtu korsijiet multilingwi, billi dawn huma fattur importanti fl-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni;

168.

Jenfasizza r-rwol tat-tagħlim interkulturali bħala parti minn edukazzjoni tal-għalliema bil-għan li jissaħħu l-kompetenzi interkulturali tal-għalliema sabiex jiġu promossi l-kultura Ewropea u l-valuri komuni kif ukoll dimensjoni Ewropea tat-tagħlim; jinnota li l-kompetenzi interkulturali huma essenzjali biex wieħed jaħdem f'soċjetajiet dejjem aktar diversi, kif ukoll biex titrawwem l-internazzjonalizzazzjoni fil-livell tal-iskejjel;

169.

Huwa konxju mill-ħtieġa li jinħolqu sinerġiji bejn l-għarfien tal-għalliema u l-potenzjal teknoloġiku tal-istudenti, sabiex jiġu massimizzati l-eżiti tat-tagħlim;

170.

Jappoġġa l-inkorporazzjoni ta' kollokamenti ta' taħriġ tal-għalliema, iggwidati minn mentors professjonali, tul l-istudji kollha tal-edukazzjoni tal-għalliema;

171.

Jinkoraġġixxi lill-għalliema u lill-mexxejja tal-iskejjel jippromwovu u jieħdu rwol minn ta' quddiem fl-implimentazzjoni tal-innovazzjoni fl-ambjent tal-iskola u jsaħħu l-iżvilupp tagħha;

172.

Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja biex jagħtu prijorità, jappoġġaw u jippremjaw it-titjib u l-aġġornament tal-għarfien pedagoġiku tal-għalliema u r-riċerkaturi tal-edukazzjoni għolja, inklużi l-possibiltajiet edukattivi offruti mit-teknoloġija moderna bħala mezz biex jissaħħu l-kisbiet tal-istudent u l-effikaċja tat-tagħlim;

173.

Jappoġġa l-iżvilupp ta' tekniki tat-tagħlim u standards edukattivi ġodda, innovattivi u ambizzjużi sabiex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tal-istudenti u l-HEIs, kif ukoll l-isfidi ta' dinja li qed tinbidel b'mod rapidu;

o

o o

174.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 22.

(2)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 30.

(3)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(4)  ĠU C 172, 27.5.2015, p. 17.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2017)0360.

(6)  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25.

(7)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.

(8)  ĠU C 346, 21.9.2016, p. 2.

(9)  Testi adottati, P8_TA(2017)0018.

(10)  ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.

(11)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(12)  http://www.socialsummit17.se/wp-content/uploads/2017/11/Concluding-report-Gothenburg-summit.pdf

(13)  https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/educ/122123.pdf

(14)  ĠU C 104, 16.4.1984, p. 69.

(15)  ĠU C 135, 26.5.2010, p. 12.

(16)  Testi adottati, P8_TA(2017)0303.

(17)  http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Gender_statistics

(18)  http://www.cedefop.europa.eu/en/publications-and-resources/publications/3072, https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1502en_0.pdf


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/26


P8_TA(2018)0248

Lejn settur Ewropew tal-akkwakultura sostenibbli u kompetittiv: is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar Lejn settur Ewropew tal-akkwakultura sostenibbli u kompetittiv: is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri (2017/2118(INI))

(2020/C 28/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE"(COM(2013)0229),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 304/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 710/2009 tal-5 ta' Awwissu 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f'dak li għandu x'jaqsam mal-iffissar ta' regoli ddettaljati dwar il-produzzjoni organika tal-annimali tal-akkwakultura u tal-alka tal-baħar (3),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (5),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (7),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (8),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2008 dwar l-adozzjoni ta' Pjan Ewropew ta' Kontroll tal-Istokkijiet tal-Marguni sabiex jitnaqqas l-effett dejjem jiżdied tal-marguni fuq l-istokkijiet tal-ħut, is-sajd u l-akkwakultura (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar is-sistema ta' importazzjoni fl-UE ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fid-dawl tar-riforma futura tal-PKS (13),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-23 ta' Novembru 2010 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 bit-titolu: Nisfruttaw il-potenzjal ta' riċerka u innovazzjoni fl-ekonomija blu biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-traċċabilità ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-restorazzjoni u l-bejgħ bl-imnut (16),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MFSD) fir-rigward tal-akkwakultura (SWD(2016)0178),

wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni tal-2015 bit-titolu "Rapport ta' ħarsa ġenerali: L-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-akkwakultura tal-ħut bil-pinen"(DG(SANTE) 2015-7406 - MR),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM)"(COM(2017)0339),

wara li kkunsidra r-rapport ekonomiku tas-settur tal-akkwakultura tal-UE tal-2016 mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Ewrobarometru dwar "EU consumer habits regarding fishery and aquaculture products"(Id-drawwiet tal-konsumaturi rigward il-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura) (2017) u l-analiżi komplementari mill-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u l-Akkwakultura (EUMOFA),

wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika bit-titolu "Food from the Oceans"(Ikel mill-Oċeani) maħruġa mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi f'Novembru 2017,

wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO għal Sajd Responsabbli,

wara li kkunsidra l-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi tal-OIE,

wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE: l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE (17),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0186/2018),

A.

billi s-settur tal-akkwakultura, inkluża t-trobbija ta' ħut tal-baħar u ħut tal-ilma ħelu, kif ukoll it-trobbija tal-molluski, il-krustaċji, l-algi u l-ekinodermi, huwa settur ekonomiku innovattiv, li hija l-attività ta' produzzjoni tal-ikel li qiegħda tikber l-aktar malajr, u, potenzjalment, settur tat-teknoloġija avvanzata li jirrikjedi investiment strutturali u riċerka u ppjanar operattiv u finanzjarju fit-tul;

B.

billi l-industriji tat-trobbija tal-ħut u l-industriji tal-frott tal-baħar bil-qoxra għandhom rwol importanti u prezzjuż f'dak li għandu x'jaqsam mal-ekonomija, l-impjiegi u kwistjonijiet soċjali u ambjentali bl-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja fiż-żoni kostali u interni tal-Unjoni u tar-reġjuni ultraperiferiċi u jikkontribwixxu għas-sigurtà nutrizzjonali u alimentari tal-Ewropej; billi hemm ċerti fatturi li jaffettwaw b'mod ħażin il-produzzjoni tal-akkwakultura, inklużi l-fatturi ambjentali u dawk relatati mal-klima, iżda, fuq kollox, l-annimali predaturi; billi, kif intwera minn għadd ta' studji, dawn il-problemi ta' predazzjoni qed ikollhom impatt sinifikanti fuq il-produzzjoni;

C.

billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE"tenfasizza erba' oqsma ta' prijorità li jridu jiġu indirizzati sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-akkwakultura tal-UE: il-proċeduri amministrattivi, l-ippjanar spazjali koordinat, il-kompetittività, b'mod partikolari billi dan is-settur jintrabat max-xjenza, u kundizzjonijiet ekwi;

D.

billi l-istess Komunikazzjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jħejju pjanijiet strateġiċi nazzjonali pluriennali għall-akkwakultura li janalizzaw in-nuqqasijiet ewlenin u l-problemi li jeħtieġu soluzzjoni, l-għanijiet komuni u, meta jkun possibbli, jistabbilixxu indikaturi biex jivvalutaw il-progress li jkun sar lejn l-ilħuq ta' dawn l-għanijiet;

E.

billi ż-żamma tal-ekosistemi u tal-istokkijiet lokali għandhom ikunu għan ta' prijorità ewlenija, peress li jipprevjenu l-ispostament u l-qerda tas-sajd u l-biedja lokali;

F.

billi minkejja l-intenzjonijiet tajba u l-isforzi, l-akkwakultura tal-UE qed tistaġna, b'kuntrast maż-żieda fit-tkabbir f'reġjuni oħra tad-dinja;

G.

billi huwa stmat li l-produzzjoni tal-akkwakultura fl-UE tkopri biss 10 % tad-domanda domestika għall-ħut u billi aktar minn nofs id-domanda għall-prodotti tas-sajd ġejja minn importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

H.

billi l-akkwakultura għandha tiġi meqjusa u trattata bħala forma ta' agrikoltura, speċjalment fil-każ ta' dik tat-trobbija fl-għadajjar;

I.

billi huwa sinifikanti kemm għadhom lura r-reġjuni ultraperiferiċi fl-iżvilupp tal-akkwakultura;

J.

billi l-opinjoni riċenti tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi dwar il-mistoqsija magħmula lil dan il-grupp mill-Kummissarju Vella, jiġifieri "Kif jistgħu jinkisbu aktar ikel u bijomassa mill-oċeani b'mod li ma jċaħħadx lill-ġenerazzjonijiet futuri mill-benefiċċji tagħhom?"tinkludi r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin: "Għandha tiġi integrata paradigma ta' "ikel mill-oċeani"ta' kultura responsabbli ... fl-aġendi tal-politika wiesgħa fil-livell tas-sistemi tal-UE u globali"; kif ukoll: "L-iżvilupp tal-marikultura fl-Ewropa għandu jitpoġġa f'livell ogħla u aktar strateġiku permezz ta' qafas tal-politika komprensiv u miftiehem – dan jinkludi l-ħruġ ta' gwida dwar l-inklużjoni tar-rekwiżiti tal-marikultura fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE tal-2014 dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu u l-estensjoni tal-kooperazzjoni teknoloġika għall-marikultura taħt il-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPAs) bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar";

K.

billi l-istabbiliment jew l-espansjoni ta' farm tal-akkwakultura fl-UE jirrikjedu l-ksib ta' diversi permessi u awtorizzazzjonijiet, u billi l-proċedura biex jinkisbu dawn id-dokumenti uffiċjali mhijiex armonizzata fil-livell tal-UE u, b'mod ġenerali, timxi bil-mod, hija kumplessa u nieqsa miċ-ċertezza legali u mill-prevedibilità ekonomika; billi din is-sitwazzjoni qed tissogra li tfixkel l-iżvilupp tas-settur u tista' tiskoraġġixxi l-investiment tan-negozji u tirriżulta fi spejjeż eċċessivi għas-settur, minbarra li indirettament tinkoraġġixxi l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

L.

billi l-aktar proċeduri kumplessi għall-operazzjoni ta' akkwakultura huma dawk relatati mar-rekwiżiti ambjentali (valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u proċeduri ta' sorveljanza), iżda, paradossalment, il-fatt li dawn il-proċeduri amministrattivi jimxu bil-mod u huma kumplessi mhux dejjem jiżgura l-protezzjoni ambjentali, anzi, kuntrarjament, xi drabi jagħmluha diffiċli li jiġu stabbiliti farms tal-akkwakultura soċjoekonomiċi, ambjentalment sostenibbli u ta' kwalità; billi hemm differenzi bejn l-akkwakultura tal-ilma ħelu u tal-baħar; billi d-differenzi fis-sottosetturi tal-akkwakultura jesiġu prattiki differenti f'termini tal-ġestjoni tal-istokkijiet, tal-għalf u tar-riproduzzjoni; billi trid tingħata l-kunsiderazzjoni meħtieġa lill-dawn id-differenzi meta jitfasslu r-regolamenti għall-akkwakultura tal-UE u, b'mod partikolari, standards ambjentali sostenibbli;

M.

billi l-kumplessità u d-dewmien burokratiċi, speċifikament dawk relatati mal-liċenzjar u l-ippjanar, jirrappreżentaw nuqqas ta' azzjoni li inevitabbilment tirriżulta fi spejjeż ekonomiċi u soċjali tax-xogħol għall-investituri potenzjali fl-oqsma li fihom il-farms tal-akkwakultura jkunu stabbiliti, b'impatt partikolari fuq l-impjieg taż-żgħażagħ u tan-nisa;

N.

billi jrid jiġi kkunsidrat l-ippjanar spazjali adegwat għall-ħtiġijiet differenti tal-utenti varji, flimkien mal-bżonn li tiġi protetta n-natura, u jridu jsiru sforzi biex dawn jiġu rikonċiljati; billi n-nuqqas ta' disponibilità ta' postijiet, in-nuqqas ta' ppjanar spazjali adegwat u l-kunflitt ma' attivitajiet ekonomiċi oħra għandhom effett konsiderevoli fuq l-iżvilupp tal-akkwakultura tal-UE f'xi reġjuni, peress li s-settur tal-akkwakultura jista' inqas importanza minn setturi oħrajn "b'saħħithom";

O.

billi l-ippjanar spazjali huwa wieħed mill-prerekwiżiti għall-iżvilupp fit-tul tal-akkwakultura u l-mezzi neċessarji sabiex jiġi żgurat ippjanar adatt għas-siti tal-akkwakultura, b'kont meħud ta' attivitajiet oħra fiż-żoni kkonċernati;

P.

billi l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE hija bbażata fuq direttivi (id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, id-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats), u billi huwa f'idejn l-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali li jittrasponuhom u japplikawhom b'ċertu livell ta' diskrezzjoni; billi, għaldaqstant, m'hemmx implimentazzjoni uniformi fl-UE kollha, u dan iwassal għal inċertezza legali għall-impriżi u l-farms u nuqqas ta' prevedibilità għall-investituri, u joħloq kundizzjonijiet mhux ekwi;

Q.

billi skont l-opinjoni xjentifika "Ikel mill-Oċeani", l-uniku mod kif jinkisbu ħafna aktar ikel u bijomassa mill-oċean f'perjodu qasir huwa li jinħasdu l-organiżmi tal-qiegħ tal-katina tal-ikel, bħall-makroalgi u l-molluski bivalvi;

R.

billi oqfsa legali nazzjonali jew reġjonali differenti għall-akkwakultura jistgħu jwasslu biex in-negozji jkollhom rekwiżiti legali differenti, anki jekk huma jkunu attivi fl-istess baċir tal-baħar, li konsegwentement iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni;

S.

billi l-eżempji ta' kooperazzjoni tajba abbażi ta' ftehimiet volontarji u ftehimiet oħra bejn il-konservazzjonisti u s-settur huma ħaġa pożittiva ferm; billi, filwaqt li l-eżempji pożittivi tal-kontributi mill-akkwakultura għaż-żamma tal-kwalità tajba tal-ilma u tas-servizzi tal-ekosistemi akkwatiċi huma ħaġa pożittiva ferm, huwa importanti wkoll li jiġu rikonoxxuti u mnaqqsa kemm jista' jkun l-impatti negattivi li jista' jkollha l-akkwakultura fuq l-ambjent lokali u l-kwalità tal-ilma; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, aktar innovazzjoni u inizjattivi biex jiġi żgurat settur sostenibbli u vijabbli fit-tul;

T.

billi t-trobbija tal-molluski bivalvi u l-kultivazzjoni tal-makroalgi jeħtieġu provvista ekwilibrata ta' mluħat nutrittivi fl-ambjent;

U.

billi, fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, dan it-tip ta' trobbija ta' ħut tal-ilma ħelu jikkwalifika wkoll bħala servizz ta' protezzjoni ambjentali li jħares il-kwalità u l-kwantità tal-ilma u jistħoqqlu ferm aktar rikonoxximent u appoġġ mingħand dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE milli huwa l-każ bħalissa;

V.

billi l-prodotti tal-UE jridu jikkonformaw ma' sensiela ta' regoli u standards stretti tal-ambjent, tas-saħħa tal-annimali, tal-benesseri tal-annimali u tal-protezzjoni tal-konsumatur li jkopru l-operazzjonijiet tal-produzzjoni, l-għalf, il-benesseri, it-trasport, l-ipproċessar u l-kundizzjonijiet soċjali tal-impjieg li direttament jaffettwaw il-kostijiet tal-produzzjoni; billi r-riżultat huwa kwalità eċċellenti u prodotti sostenibbli li possibilment jiswew aktar u għaldaqstant ikunu anqas kompetittivi minn dawk importati, li sikwit jaslu fis-suq tal-UE bi prezzijiet baxxi minħabba prattiki li mhumiex sostenibbli mil-lat ambjentali, soċjali u tax-xogħol u li l-produzzjoni tagħhom tinvolvi standards baxxi ta' benesseri u saħħa tal-annimali;

W.

billi xi kumpaniji tal-akkwakultura jiddependu ħafna fuq ir-riżorsi tal-enerġija, u dan iżid l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-akkwakultura;

X.

billi l-konsum tal-ħut – prodott tal-ikel li fih proteini, aċidi grassi, vitamini, minerali u mikronutrijenti essenzjali li jibbenefikaw is-saħħa tal-bniedem – għandu jiżdied, u billi l-kwalità eċċellenti tal-prodotti tal-baħar tal-UE għandha tikkostitwixxi vantaġġ kompetittiv kbir tal-akkwakultura tal-UE;

Y.

billi l-konsum globali tal-ħut qed jiżdied b'mod kostanti, b'mod parallel mat-tkabbir globali tal-popolazzjoni;

Z.

billi barra minn hekk, mhux dejjem ikun hemm koerenza fost il-politiki tal-UE dwar il-kummerċ, il-politiki soċjali u dawk dwar l-ambjent: pereżempju, l-UE tagħti status ta' Skema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP u SĠP+) lil pajjiżi vulnerabbli li qed jiżviluppaw, bl-għan li tippermettilhom iħallsu inqas dazji, jew saħansitra l-ebda dazju, fuq l-esportazzjonijiet lejn l-UE, b'mod li jagħtihom aċċess vitali għas-suq tal-UE u jikkontribwixxi għat-tkabbir tagħhom; billi, fl-istess ħin, uħud minn dawn il-pajjiżi, pereżempju għadd żgħir ta' pajjiżi Asjatiċi, jipproduċu prodotti tal-akwakultura li ma jħarsux l-istandards ambjentali, tal-benesseri tal-annimali, tas-saħħa, soċjali u tax-xogħol li l-operaturi tal-UE jkollhom jissodisfaw u li, f'ċerti każijiet, huma bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

AA.

billi l-UE hija wkoll dipendenti ħafna fuq l-importazzjoni ta' prodotti tas-sajd minn pajjiżi terzi għall-għalf għall-akkwakultura, u billi l-għalf alternattiv aktar sostenibbli sa issa ma saritx riċerka suffiċjenti dwaru u ma ġiex promoss biżżejjed;

AB.

billi l-kummerċ estern tal-UE fl-akkwakultura hu f'defiċit u qed isseħħ kompetizzjoni inġusta bejn prodotti tal-akkwakultura importati minn pajjiżi terzi u minn pajjiżi tal-UE u prodotti tal-UE għad-detriment tal-kwalità tal-ikel u tas-saħħa tal-konsumatur;

AC.

billi l-akkwakultura f'pajjiżi terzi toffri opportunitajiet lill-investiment tal-UE;

AD.

billi d-differenzi bejn il-prodotti tal-akkwakultura Ewropea meta mqabbla ma' dawk ta' pajjiżi terzi f'termini ta' kwalità, impronta ambjentali, imġiba soċjali u rispett għall-benesseri tal-annimali ma jistgħux jiġu pperċepiti mill-konsumaturi Ewropej meta l-informazzjoni li jirċievu dwarhom tkun insuffiċjenti jew ineżatta (speċjalment fir-rigward tal-pajjiż ta' oriġini, l-iskonġelar jew l-identifikazzjoni tal-ispeċi);

AE.

billi l-leġiżlazzjoni tal-UE rigward informazzjoni dwar prodotti akkwatiċi għall-konsumatur hija ċara u billi l-kontroll tagħha hija r-responsabilità tal-awtoritajiet tal-Istati Membri; billi, madankollu, huwa fatt magħruf b'mod ġenerali li kemm il-bejjiegħa tal-ħut kif ukoll ir-ristoranti mhux dejjem jipprovdu din l-informazzjoni essenzjali lill-konsumatur; billi din is-sitwazzjoni ta' implimentazzjoni insuffiċjenti timmina l-kompetittività tal-akkwakultura tal-UE;

AF.

billi t-trobbija tal-ħut sostenibbli hija bbażata fuq it-trobbija ta' annimali b'saħħithom, u għal dan l-għan huwa essenzjali li jiġu żviluppati għodod veterinarji speċifiċi u innovattivi, speċjalment vaċċini u antibijotiċi, li għandhom jintużaw b'mod responsabbli u restrittiv li jiżgura s-saħħa u l-benesseri tal-annimali u tal-konsumatur, u prodotti tal-akkwakultura sikuri u nutrittivi, mingħajr ħsara għall-ambjent u l-ispeċijiet selvaġġi; billi r-regolamenti tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali jridu jqisu wkoll il-partikolaritajiet tal-akkwakultura u l-ispeċifiċitajiet tal-ispeċijiet tal-ħut meta jkollhom x'jaqsmu mat-trattament tal-infezzjonijiet u l-mard u l-impatt fuq il-kwalità tal-prodott;

AG.

billi l-pjan ta' azzjoni "Saħħa Waħda"Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (AMR) josserva li l-immunizzazzjoni permezz tat-tilqim tikkostitwixxi intervent ta' saħħa pubblika kosteffikaċi fi sforzi biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi (18), u dan japplika għall-akkwakultura wkoll;

AH.

billi l-immaġini tal-akkwakultura li għandhom is-soċjetà u l-konsumaturi Ewropej tvarja minn Stat Membru għal ieħor, iżda b'mod ġenerali jidher ċar li hemm lok għal titjib;

AI.

billi, minkejja li dejjem hemm lok għal titjib permezz ta' prattiki aħjar, l-immaġni ħażina ta' din l-attività mhix dejjem dovuta għal problemi reali (aspetti ambjentali, tal-kwalità jew tas-sikurezza), iżda għall-idea prestabbilita li għandhom il-konsumaturi tal-akkwakultura; billi parti sinifikanti minn din is-sitwazzjoni hija dovuta għat-twemmin li l-impatti reali tal-akkwakultura f'ċerti pajjiżi terzi (pajjiżi li qed jiżviluppaw) jeżistu anke fl-UE, li mhuwiex il-każ;

AJ.

billi l-prattiki li jvarjaw ħafna fir-rigward tal-akkwakultura jwasslu għal differenzi sinifikanti fil-kwalità tal-prodotti, fl-impatt ambjentali u fil-kundizzjonijiet sanitarji, fost oħrajn, li ta' spiss iħallu lill-konsumatur inċert dwar il-prodott li jirriżulta;

AK.

billi r-reputazzjoni ħażina tal-akkwakultura tolqot il-governanza tagħha mill-amministrazzjonijiet pubbliċi (il-ħruġ ta' liċenzji, l-ippjanar, eċċ.), iżda wkoll il-kundizzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tagħha;

AL.

billi huwa importanti li wieħed jinnota l-potenzjal tal-akkwakultura tal-ilma ħelu, l-akkwakultura kontinentali bl-ilmijiet magħluqa, l-akkwakultura integrata multitrofika u s-sistemi ta' riċirkolazzjoni jew l-akkwaponika f'żoni urbani għat-titjib tas-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp taż-żoni rurali;

AM.

billi l-krustaċji, il-molluski u l-pjanti akkwatiċi, bħall-algi, huma wkoll riżorsa importanti għall-akkwakultura;

AN.

billi r-riċerka u l-innovazzjoni għandhom rwol fundamentali x'jaqdu fit-twettiq tal-potenzjal tal-akkwakultura sostenibbli; billi l-produzzjoni tista' tiżdied b'mod sostenibbli permezz tal-espansjoni mmexxija mill-innovazzjoni, ir-riġenerazzjoni u t-tindif tal-ilmijiet, l-użu tal-enerġiji rinnovabbli, u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi, filwaqt li jitnaqqsu l-impatti ambjentali u jiġu pprovduti servizzi ambjentali;

AO.

billi l-protokolli standard fil-livell tal-UE ta' data xjentifika li tippermetti s-superviżjoni u t-titjib tal-prattiki ta' ġestjoni u ta' produzzjoni, kif ukoll l-impatt ambjentali u tas-saħħa tagħhom, huma ta' importanza konsiderevoli;

AP.

billi t-trobbija ta' speċijiet nattivi jew endemiċi għandhom jingħataw preferenza sabiex jitnaqqas l-impatt ambjentali u l-akkwakultura ssir aktar sostenibbli;

AQ.

billi d-diffikultajiet fl-aċċess għall-kreditu u d-dewmien konsiderevoli bejn l-investiment u l-ewwel bejgħ (b'mod ġenerali tliet snin jew aktar) huma fir-riskju li jiskoraġġixxu lill-investituri;

AR.

billi l-kundizzjonijiet tal-prefinanzjament li joffru l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji kulma jmur huma aktar stretti;

AS.

billi l-proċeduri, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet mhumiex ċari biżżejjed għall-utenti, u l-għadd kbir ta' dokumenti li jridu jiġu ppreżentati sabiex jinkiseb finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) iservu biex jiskoraġġixxu lill-applikant; billi l-madwar EUR 1 280 miljun disponibbli għall-perjodu ta' programmazzjoni attwali (2014-2020) mhuwiex biżżejjed biex jiġi żviluppat settur tal-akkwakultura Ewropew; billi, barra minn hekk, hemm rata baxxa ħafna ta' assorbiment mill-Istati Membri;

AT.

billi l-akkwakultura sostenibbli trid tqis l-impatti potenzjali fuq l-istokkijiet ta' ħut selvaġġ u l-kwalità tal-ilma, iżda, għall-kuntrarju, teħtieġ ukoll stokkijiet ta' ħut b'saħħithom u ilma ta' kwalità eċċellenti;

AU.

billi d-data disponibbli turi distakk dejjem jikber – li hu stmat li hu ta' 8 miljun tunnellata – bejn il-livell ta' konsum ta' frott tal-baħar fl-UE u l-volum ta' qabdiet mis-sajd; billi l-akkwakultura sostenibbli, flimkien mas-sajd sostenibbli, tista' tiggarantixxi s-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni fit-tul, inklużi l-provvisti tal-ikel, kif ukoll it-tkabbir u l-impjiegi għaċ-ċittadini tal-Unjoni, u tissodisfa d-domanda dinjija dejjem tikber għall-ikel akkwatiku dment li sorsi sostenibbli tal-għalf jintużaw għall-attivitajiet tal-akkwakultura u tiġi evitata d-degradazzjoni ambjentali; billi għaldaqstant tista' tikkontribwixxi għall-għan ġenerali li timla l-lakuna bejn il-konsum u l-produzzjoni tal-frott tal-baħar fl-UE;

AV.

billi fl-akkwakultura, kilo ħut b'valur baxx jista' jiġi ttrasformat f'kilo ħut b'valur għoli (bħal fil-każ tal-kapelin għall-barbun imperjali, fejn il-valur jiżdied minn EUR 0,10 għal EUR 7 għal kull kilo);

AW.

billi ż-żgħażagħ huma anqas interessati li jaħdmu fis-settur tal-akkwakultura jew li jinvestu fih u jiżviluppawah minħabba komunikazzjoni ħażina u nuqqas ta' prospetti finanzjarji u ta' stabilità, li jagħmel dan ix-xogħol inqas attraenti għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ;

AX.

billi l-akkwakultura sostenibbli proprjetà tal-komunità u ġestita mill-komunità tista' tkun ta' benefiċċju soċjoekonomiku għar-reġjuni periferiċi kostali u tiżvolġi rwol pożittiv fl-ekonomija blu;

AY.

billi l-akkwakultura tal-ilma ħelu tammonta għal 20 % tar-rendiment tas-settur fl-Ewropa kollha, u billi l-appoġġ tal-UE għandu jirrifletti dan il-proporzjon; billi n-natura diverġenti tal-akkwakultura tal-ilma ħelu tfisser li teħtieġ regoli speċjali u kapitolu separat fil-leġiżlazzjoni dwar il-politika komuni tas-sajd tal-UE;

AZ.

billi r-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali biex jinkisbu aktar sostenibilità u kompetittività għas-settur tal-akkwakultura fis-suq tal-UE;

BA.

billi proġetti tal-akkwakultura tal-ilma ħelu jistgħu jitwettqu wkoll b'finanzjament ex post, u billi dan ta' spiss jeħtieġ sforzi sproporzjonati mingħand l-investituri, bir-riżultat li f'ħafna każijiet dawk li jrabbu l-ħut ma jkollhomx il-kuraġġ li jimbarkaw fuq proġetti; billi l-intensità tal-appoġġ f'ħafna każijiet hija inadegwata;

Nisfruttaw il-potenzjal tal-akkwakultura tal-UE

1.

Jirrikonoxxi l-effetti pożittivi li l-akkwakultura sostenibbli, inklużi kemm is-setturi marittimi kif ukoll tal-ilma ħelu, jista' jkollha fuq l-impjiegi u l-ekonomija tal-Unjoni, b'mod ġenerali, billi ttejjeb il-produttività u l-kwalità tal-għajxien fiż-żoni kostali u interni; jenfasizza l-bżonn li tingħata spinta 'l quddiem lill-iżvilupp, id-diversifikazzjoni u l-innovazzjoni tagħha, billi tippromwovi livelli ogħla ta' produzzjoni ta' ħut, krustaċji, molluski, algi u ekinodermi, mill-akkwakultura, u ttejjeb il-kompetittività ta' tali prodotti (biex ittejjeb il-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE b'tali mod li tilħaq mill-inqas rata ta' tkabbir tal-akkwakultura globali attwali fi żmien ħames snin u biex tinkoraġġixxi l-investiment f'tagħmir aktar effiċjenti fl-enerġija u ekonomiku), u żżid il-konsum u l-kontribut tagħhom għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali għaċ-ċittadini tal-UE; jinsisti li dan għandu jsir filwaqt li jitħares il-funzjonament tajjeb tal-ekosistemi tal-baħar sabiex jippermetti l-prattika kontinwa ta' akkwakultura vijabbli, sajd kummerċjali, u użi sostenibbli oħra tal-ambjent tal-baħar;

2.

Jemmen li l-UE jeħtieġ li żżid il-produzzjoni fis-settur tal-akkwakultura, b'mod partikolari bl-għan li titnaqqas il-pressjoni fuq żoni tas-sajd naturali; huwa tal-fehma li l-għalf ibbażat fuq il-ħut għandu jkollu sors sostenibbli u ma għandux jipperikola l-objettivi tar-rendiment massimu sostenibbli tal-politika komuni tas-sajd u li t-tagħbijiet ta' nutrijenti għandhom jiġu kkontrollati; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn ir-riċerkaturi, l-industrija tal-akkwakultura, il-produtturi tal-għalf, u l-organizzazzjonijiet u l-amministrazzjonijiet ambjentali; jenfasizza li l-akkwakultura tal-UE għandha tqis il-kwalità, is-sostenibilità, is-sikurezza tal-ikel, l-aspetti ambjentali, u s-saħħa tal-annimali u tal-bniedem, u għandha tkun mudell f'dan ir-rigward; jinnota b'mod pożittiv l-inizjattivi ġodda fl-akkwakultura bbażata fuq l-art, speċjalment f'ibħra sensittivi u f'żoni tal-UE b'ibħra magħluqa u jemmen li huma meħtieġa miżuri aktar b'saħħithom biex l-akkwakultura tkun settur aktar effiċjenti, ekonomikament vijabbli, soċjalment responsabbli u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, filwaqt li jissodisfa sehem akbar tad-domanda Ewropea għall-ħut u jnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet;

3.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE"u l-identifikazzjoni tagħha ta' oqsma li fihom l-isforzi jeħtieġ li jkunu ffokati sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-akkwakultura tal-UE sabiex din, flimkien mas-sajd sostenibbli, tkun tista' tikkontribwixxi lejn l-għan li timla l-lakuna bejn il-konsum u l-produzzjoni tal-frott tal-baħar fl-UE b'mod li jkun ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli;

4.

Jenfasizza li l-akkwakultura tal-ilma ħelu għadha opportunità mhux esplorata biżżejjed għat-titjib fis-sikurezza tal-ikel u l-iżvilupp ta' żoni rurali;

5.

Jenfasizza li t-tkabbir sostenibbli jeħtieġ li jkun imsejjes fuq: il-prevedibilità tal-investiment kummerċjali u ċ-ċertezza legali, li jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta' oqfsa amministrattivi aktar effiċjenti, titjib fit-trasparenza tal-governanza, kriterji ċari u omoġeni u simplifikati għall-għoti tal-liċenzji madwar l-UE, proċeduri komuni tal-ġestjoni tal-mard u aċċess għat-trattamenti veterinarji xierqa li ma jkunux dannużi għas-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin, ippjanar spazjali effikaċi, id-disponibilità ta' dokumenti ta' gwida, l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-appoġġ tal-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura, u appoġġ finanzjarju adegwat; jirrimarka li dawn il-fatturi kollha jistgħu jikkontribwixxu għal tkabbir sostenibbli;

6.

Japprezza l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-opinjoni xjentifika dwar "Ikel mill-Oċeani"ta' Novembru 2017 rigward l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika marittima, tas-sajd u tal-akkwakultura fis-snin li ġejjin biex tiżdied il-kwantità ta' ikel sostenibbli mill-oċeani;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-industrija fl-isforzi tagħha biex tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-istokkijiet ta' ħut selvaġġ għall-produzzjoni tal-għalf tal-ħut, inkluż permezz ta' użu akbar tal-algi tal-baħar u algi oħrajn;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iżvilupp ulterjuri tas-settur emerġenti tal-akkwakultura tal-algi;

9.

Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-akkwakultura biex tikkontribwixxi għas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni għaċ-ċittadini tal-UE, u l-ħtieġa ta' dieti sostenibbli u tajbin għas-saħħa, sistemi alimentari intelliġenti mil-lat klimatiku, li ma jagħmlux ħsara lill-benesseri tal-annimali u sostenibbli mil-lat ambjentali, u ċ-ċirkolarità u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tas-sistemi alimentari, li jħeġġu l-innovazzjoni u jsaħħu l-pożizzjoni tal-komunitajiet;

10.

Itenni li l-iżvilupp tal-akkwakultura Ewropea irid ikun marbut mal-ħtieġa bażika u vitali tal-produzzjoni awtosuffiċjenti, sikura, nutrizzjonali u sostenibbli tal-ikel, u jrid jingħata pożizzjoni aktar prijoritarja fuq l-aġenda globali tal-UE;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu fir-riċerka, fi studji u fi proġetti pilota għal prattiki tal-akkwakultura innovattivi, orjentati lejn il-futur u ambjentalment responsabbli, fosthom Sistemi ta' Akkwakultura Multitrofika Integrata (IMTA), l-Akkwaponika, u Sistemi ta' Riċirkolazzjoni fl-Akkwakultura (RAS), li jnaqqsu l-impatt tal-farms tal-akkwakultura fuq il-ħabitats, il-popolazzjonijiet tal-annimali selvaġġi u l-kwalità tal-ilma, u għaldaqstant jikkontribwixxu għal approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi;

12.

Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel analiżi bir-reqqa u tiżgura segwitu xieraq ta' kull waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi;

13.

Jenfasizza li kwalunkwe politika tal-akkwakultura Ewropea sostenibbli trid tqis il-karatteristiċi u l-bżonnijiet u l-isfidi differenti tad-diversi tipi ta' produzzjoni tal-akkwakultura u tiżviluppa miżuri mfassla apposta li jqisu wkoll id-differenzi ġeografiċi u l-effetti potenzjali tat-tibdil fil-klima; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni, biex fil-politika komuni tas-sajd wara l-2020, tistabbilixxi regoli individwali mfassla skont il-karatteristiċi ta' kull subsettur;

14.

Jirrileva l-potenzjal tal-akkwakultura tal-ilma ħelu kif ukoll tal-akkwakultura kontinentali b'ilmijiet magħluqa, l-akkwakultura multitrofika integrata u s-sistemi ta' riċirkolazzjoni u l-akkwaponika f'żoni urbani; jenfasizza li l-akkwakultura tal-ilma ħelu hija opportunità li għadha ma ġietx esplorata biżżejjed għat-titjib tas-sigurtà alimentari u taż-żoni rurali li qed jiżviluppaw iżda li taqdi rwol soċjali importanti billi tipprovdi impjieg rurali fl-ifqar żoni, kif ukoll taqdi rwol ambjentali fiż-żamma ta' artijiet mistagħdra ta' valur u fil-provvista ta' firxa wiesgħa ta' servizzi tal-ekosistema, li jmorru ferm lil hinn mill-valur ekonomiku tagħha;

15.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġu mnedija strumenti ta' koordinazzjoni, gruppi ta' studju u attivitajiet tal-UE, bil-ħsieb li jiġu ddeterminati l-każijiet meta l-produzzjoni tal-molluski tkun ippreġudikata b'mod sinifikanti mill-azzjoni predatorja tal-awrata (Sparus aurata), u biex jitfittxew soluzzjonijiet sostenibbli u favur l-ambjent;

16.

Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-akkwakultura u tal-ipproċessar komplementari u l-esportazzjoni ta' prodotti tal-ħut bħala industrija indiġena għall-benefiċċji ekonomiċi u tal-impjieg, speċjalment għaż-żoni rurali kostali u l-komunitajiet tal-gżejjer;

17.

Jissottolinja kemm huwa importanti li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD) għandhom jipprovdu protezzjoni għall-produzzjoni tal-molluski, kif stabbilit fid-"Direttiva dwar il-Molluski"li ġiet imħassra;

18.

Jirrimarka li, f'ambjent li fih għandhom jiġu prodotti makroalgi jew molluski bivalvi, it-tnaqqis tal-kontributi ta' nutrijenti sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb għandu jqis il-kapaċità tat-tnaqqis naturali tal-organiżmi li jkunu qed jiġu mrobbija jew ikkultivati;

Simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi

19.

Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp tal-akkwakultura Ewropea, inkluż fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi pluriennali żviluppati mill-Istati Membri;

20.

Jenfasizza li t-tkabbir sostenibbli tal-akkwakultura jeħtieġ li jkun ibbażat fuq il-prevedibilità tal-investiment kummerċjali u ċ-ċertezza legali, li b'mod partikolari jirrikjedu:

(a)

is-simplifikazzjoni u l-aċċelerazzjoni tal-proċeduri amministrattivi – inqas burokrazija – fil-livell tal-UE, dak nazzjonali u dak reġjonali, waqt li jsir l-akbar użu possibbli tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-ambjent marittimu ma jiġix degradat aktar;

(b)

trasparenza mtejba u ppjanar xieraq;

(c)

koordinazzjoni aħjar rigward kompetenzi kondiviżi tal-UE, l-Istati Membri u, fejn xieraq, l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

(d)

proċeduri ta' liċenzjar rapidi, ċari u trasparenti, flimkien ma' skedi ta' żmien limitati għall-ftehim, biex l-investituri ma jiġux skoraġġiti;

(e)

monitoraġġ mill-qrib mill-Kummissjoni tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali pluriennali tal-Istati Membri;

(f)

il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-pjanijiet strateġiċi nazzjonali għal applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE (speċjalment ambjentali u għall-protezzjoni tas-saħħa u jiġi żgurat li la l-ekosistemi u lanqas l-attivitajiet tas-sajd ma ssirilhom ħsara);

(g)

qafas legali koordinat bejn ir-reġjuni differenti u l-Istati Membri li jikkondividu l-istess ilmijiet sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u politiki ambjentali effiċjenti;

(h)

kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti (nazzjonali, iżda wkoll lokali u reġjonali) fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE (prinċipalment dik sanitarja u ambjentali) kif ukoll l-appoġġ tal-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali meta jkun meħtieġ;

(i)

mekkaniżmi għall-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, permezz ta' metodu miftuħ ta' koordinazzjoni tal-miżuri nazzjonali dwar is-sigurtà tan-negozju, l-aċċess għall-ilmijiet u l-ispazju tal-Unjoni, u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' liċenzjar;

(j)

appoġġ finanzjarju pubbliku adegwat fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali għall-produzzjoni tal-akkwakultura sostenibbli u responsabbli, l-innovazzjoni u l-iżvilupp;

(k)

inkorporazzjoni aħjar tal-perspettiva tas-sajd u tal-akkwakultura fil-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni;

21.

Jissuġġerixxi, fir-rigward tas-sistema amministrattiva, il-ħolqien, mill-aktar fis possibbli, ta' "punt uniku ta' servizz"li jassumi u jeżerċita r-responsabilitajiet kollha, li jagħmilha possibbli li d-dokumenti rilevanti jitressqu quddiem korp amministrattiv wieħed; jemmen li dan għadu jtejjeb ir-relazzjoni bejn l-utent finali u l-livelli differenti tal-amministrazzjoni pubblika;

22.

Jissuġġerixxi l-istabbiliment ta' sistema ta' liċenzjar simplifikata jew "rapida", li permezz tagħha l-amministrazzjoni kompetenti toħroġ ċertifikat proviżorju li jippermetti lil dawk l-operaturi li jissodisfaw ċerti kriterji predefiniti li jibdew l-attivitajiet tagħhom; jirrimarka li dawn il-kriterji jistgħu jiġu bbażati fuq il-passat tal-applikanti jew fuq il-fatt li dawn ikunu ppreżentaw proġett tal-akkwakultura li jkun pijunier mil-lat tal-innovazzjoni u/jew is-sostenibilità, jew fuq l-istabbiliment ta' żoni ta' servitù riżervati għall-akkwakultura fejn użi inkompatibbli mal-akkwakultura jiġu definiti bil-quddiem;

L-ekwità f'interazzjoni ma' setturi oħra

23.

Jissottolinja li l-ippjanar spazjali xieraq għandu jqis is-setturi kollha (approċċ olistiku), il-kwistjonijiet ta' sostenibilità u ta' sigurtà tal-ikel, mingħajr ma jiffavorixxi setturi ekonomiċi b'saħħithom għad-detriment tal-akkwakultura; jenfasizza li l-ippjanar spazjali ma għandux neċessarjament jinvolvi s-segregazzjoni tal-attivitajiet f'ċerti żoni, iżda pjuttost il-kompatibilità ekwilibrata bejniethom, u li dan jista' potenzjalment iġib benefiċċji għal kulħadd;

24.

Jissuġġerixxi l-appoġġ ta' rwol aktar attiv u importanti u l-implikazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-akkwakultura u l-gruppi ta' azzjoni lokali tas-sajd (FLAGs) fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, permezz tar-reġjonalizzazzjoni, sabiex jiġi żgurat l-aħjar approċċ għal kull reġjun speċifiku;

25.

Jirrimarka li jridu jitqiesu sewwa l-interessi tas-settur tal-akkwakultura u li dan is-settur irid jiġi ttrattat b'mod ġust meta jinteraġixxi ma' setturi oħra, pereżempju fl-ippjanar spazjali;

26.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu mapep ta' ppjanar spazjali sabiex jiġu identifikati żoni possibbli fejn l-akkwakultura u attivitajiet oħra jistgħu jikkoeżistu;

27.

Jirrimarka li l-ippjanar spazjali u l-kundizzjonijiet tal-liċenzjar huma l-aktar raġuni probabbli għalfejn setturi oħra importanti jew b'saħħithom ma jridux jikkondividu l-ispazju;

28.

Jirrimarka li, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-aċċess għar-riżorsi tal-baħar, studji dwar l-impatt soċjoekonomiku u ambjentali rikjesti għall-akkwakultura għandhom ukoll jaffettwaw lis-setturi kollha li jikkompetu magħha, bħalma huma, it-turiżmu jew l-estrazzjoni ta' materja prima;

29.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet nazzjonali jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilmijiet u r-riġenerazzjoni u t-tindif taż-żoni kkontaminati;

30.

Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni, fuq bażi ugwali, mal-partijiet ikkonċernati kollha;

Nadattaw il-leġiżlazzjoni għall-ħtiġijiet tal-akkwakultura

31.

Jenfasizza li s-sostenibilità ambjentali trid timxi id f'id mas-sostenibilità soċjali u ekonomika (is-sostenibilità għandha tliet pilastri), u li għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-kontribut attwali u potenzjali tal-akkwakultura għas-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni;

32.

Jilqa' l-aħjar prattiki tal-industrija u l-eżempji ta' kooperazzjoni tajba abbażi ta' ftehimiet volontarji u ftehimiet oħra bejn il-konservazzjonisti u l-industrija, inkluż fiż-żoni Natura 2000; jilqa' l-ħafna eżempji ta' kontributi mill-akkwakultura għaż-żamma tal-kwalità tajba tal-ilma; jirrikonoxxi s-servizzi tal-ekosistemi akkwatiċi mwassla mill-industrija u jitlob inċentivi biex jissaħħu; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' kumplikazzjonijiet legali ulterjuri li jaffetwaw lill-akkwakultura mhijiex mixtieqa mill-perspettiva tas-sostenibilità u tal-iżvilupp soċjoekonomiku;

33.

Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tkun adattata aħjar għar-realtajiet tal-akkwakultura, l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd u b'mod koerenti, inter alia, mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, f'konformità mal-għan li jinkiseb status ambjentali tajjeb għall-ibħra kollha sal-2020 u b'kont meħud tal-importanza tal-impjieg taż-żgħażagħ u tan-nisa fis-settur;

34.

Jenfasizza li, meta l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE tkun problematika jew inkonsistenti, għandhom jinħarġu linji gwida dwar l-interpretazzjoni u l-aħjar prattiki tagħha;

35.

Itenni li s-settur għandu jkun involut aktar mill-qrib fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

36.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-kontribut limitat tal-produzzjoni tal-akkwakultura lejn id-domanda domestika għall-ħut, stmata li hi ta' 10 %, u treġġa' lura l-fatt li aktar minn nofs id-domanda tal-Unjoni għall-ħut ġejja minn prodotti importati;

Insaħħu l-kompetittività tal-akkwakultura fl-UE fi ħdan u lil hinn mill-fruntieri tagħna

37.

Jitlob li jkun hemm rekwiżit li l-prodotti importati tal-akkwakultura jissodisfaw l-istess standards ambjentali, tas-sikurezza tal-ikel u soċjali tax-xogħol u li l-operaturi tal-UE jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jiddeplora l-fatt li għad ma hemmx kundizzjonijiet ekwi f'dan il-qasam, u li d-distorsjonijiet perikolużi tal-kompetizzjoni huma problema serja għall-operaturi tal-UE;

38.

Jirrileva s-sitwazzjoni attwali tal-pixxikulturi tal-għadajjar Ewropej, billi dawn qed jitħabtu ma' telf sostanzjali li jaffettwa l-istokk kollu tagħhom minħabba predaturi bħal-lontri, l-agretti u l-marguni; jenfasizza li dawn il-predaturi joqtlu wkoll iż-żgħar tal-pike-perch u tal-karpjun, u b'riżultat jillimitaw b'mod sinifikanti t-trobbija u r-riproduzzjoni tal-ħut tal-ilma ħelu; jistieden għalhekk lill-Istati Membri japplikaw id-derogi eżistenti fil-każ tal-agretti u l-marguni u jitlob lill-Kummissjoni tagħmel rieżami dwar l-istatus ta' konservazzjoni tal-lontra u fejn ikun hemm bżonn tippermetti li dawk il-predaturi jitneħħew u jiġu kkontrollati;

39.

Jitlob aktar kontrolli tal-oriġini fil-fruntiera li jkunu aħjar għall-prodotti importati u, fil-livell intern, miżuri biex jiġu miġġielda l-prattiki illegali jew "moħbijin"tal-akkwakultura li jaffettwaw l-iżvilupp intern tas-settur;

40.

Jindika li l-UE għandha tesporta l-istandards u l-għarfien espert tagħha fir-rigward tas-sostenibilità; jemmen li dan huwa partikolarment rilevanti fil-każ ta' reġjuni ġirien li jipproduċu speċijiet simili għal dawk prodotti fl-UE u speċjalment għal pajjiżi terzi li jikkondividu l-istess ilmijiet bħall-UE;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, taħt il-ftehimiet kummerċjali ma' sħab terzi, l-aċċess preferenzjali għas-suq ikun kundizzjonali għar-rispett tal-istandards ta' sostenibilità u tal-benesseri tal-annimali li jkunu ekwivalenti għal dawk applikabbli fl-UE;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tisponsorja, bħala parti mill-politika tal-UE ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, miżuri ta' appoġġ u ta' taħriġ maħsuba biex jgħinu l-promozzjoni tal-akkwakultura sostenibbli u biex jorjentaw il-kuxjenza tal-produtturi tal-akkwakultura f'dawk il-pajjiżi lejn politika dwar il-kwalità u standards ogħla ta' produzzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-istandards ambjentali, soċjali u tal-iġjene;

43.

Iħeġġeġ li jittieħdu passi biex l-investiment tal-UE fi proġetti tal-akkwakultura f'pajjiżi terzi jiġi inkoraġġit;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżgura li r-regoli tal-importazzjoni tal-UE jiġu rispettati, inkluż fir-rigward tal-proċeduri tat-trobbija li jikkonformaw mal-istandards ambjentali, soċjali u tal-iġjene, fil-pajjiżi terzi li jesportaw, biex ikunu jistgħu jiġu implimentati kundizzjonijiet ekwi fil-livell internazzjonali; iqis, fl-istess ħin, li r-riżultati tal-monitoraġġ ta' proċessi tal-akkwakultura f'pajjiżi terzi għandu jkollhom influwenza deċiżiva fuq it-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet ta' esportazzjoni tal-prodotti lejn l-UE;

45.

Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-effetti tal-Brexit fuq il-qasam tal-akkwakultura;

Intejbu l-informazzjoni għall-konsumatur

46.

Jinsisti fuq implimentazzjoni sħiħa u kompluta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tikkettar u l-informazzjoni għall-konsumaturi, kemm fis-swieq tal-ħut kif ukoll fis-settur tal-lukandi, ristoranti u catering (HORECA); jemmen li dan huwa importanti għall-prodotti kollha tas-sajd (u mhux biss il-prodotti tal-akkwakultura), kemm dawk importati kif ukoll prodotti fl-UE; iqis li r-Regolament ta' Kontroll għandu jiġu adattat u rinforzat għal dan il-għan;

47.

Jitlob li jkun hemm l-istabbiliment ta' tikketta speċifika għar-rikonoxximent ta' prodotti minn akkwakultura sostenibbli tal-UE u jenfasizza l-ħtieġa għal trasparenza għall-konsumaturi anki b'rabta mal-prodotti tal-akkwakultura importati minn pajjiżi terzi, billi tissaħħaħ it-traċċabilità;

Niżguraw il-Benesseri tal-Annimali

48.

Huwa tal-fehma li l-istrateġija dwar il-qtil għandha tinkludi proposti li jiżguraw il-proċessi għall-iżvilupp ta' parametri effikaċi għal metodi ta' qtil aktar umani tal-ħut, f'konformità mal-Linji Gwida tal-OIE u tal-EFSA, u li jiġi żgurat li t-tagħmir użat għall-qtil tal-ħut jaħdem f'konformità ma' dawk il-parametri, u li qtil uman effikaċi tal-ħut imrobbi jiġi implimentat, ivvalutat, evalwat u ċċertifikat fl-UE kollha;

Id-disponibilità ta' prodotti veterinarji

49.

Jirrimarka li l-leġiżlazzjoni veterinarja tal-UE trid tkun adattata aħjar għar-realtajiet u l-ħtiġijiet tal-akkwakultura, filwaqt li tqis l-ispeċijiet differenti u d-differenzi operattivi;

50.

Jenfasizza li huwa meħtieġ suq komuni ġenwin tal-UE għat-tilqim u għal prodotti veterinarji oħra li jipproteġi s-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin, speċjalment għal speċijiet "minuri";

51.

Josserva li, sfortunatament, l-ispejjeż relattivament ogħla tad-dijanjożi, tal-alternattivi għall-antimikrobiċi u tat-tilqim, meta mqabbla mal-antibijotiċi użati komunement, huma ostakolu għal użu akbar u rata ogħla ta' tilqim, kif mixtieq mill-pjan ta' azzjoni (19); jilqa' l-fatt li, fil-pjan ta' azzjoni, il-Kummissjoni tħabbar inċentivi biex jiżdied l-użu tad-dijanjostika, l-alternattivi għall-antimikrobiċi u t-tilqim (20);

52.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-obbligu li tingħata informazzjoni dwar l-użu ta' tilqim u antibijotiċi fl-akkwakultura fid-dawl ta' riskji possibbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ekosistema;

53.

Jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ifasslu inċentivi u miżuri prattiċi, inkluż implimentazzjoni mtejba tad-Direttiva 2006/88/KE jew, jekk meħtieġ, emendi għaliha, biex jiġi promoss approċċ ta' katina integrata għar-RAM u jiżdied l-użu ta' alternattivi għall-antimikrobiċi, dijanjostiċi u tilqim fl-akkwakultura u b'hekk jiġu promossi il-prevenzjoni, il-kontroll u l-qirda tal-mard u tar-reżistenza għall-antibijotiċi fl-annimali akkwatiċi b'mod kosteffikaċi u jiġu massimizzati s-sopravvivenza, it-tkabbir u l-effiċjenza tal-produzzjoni tal-annimali akkwatiċi;

54.

Jissottolinja l-ħtieġa li niffavorixxu r-riċerka xjentifika, fi programmi Ewropej u nazzjonali, dwar is-saħħa tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra u l-iżvilupp ta' prodotti veterinarji ġodda għall-ispeċijiet akkwatiċi;

55.

Jinnota, f'dan ir-rigward, li r-reżistenza għall-antibijotiċi hija problema serja fil-mediċina tal-bnedmin u tal-annimali, u jistieden lill-Kummissjoni tillimita l-użu tal-antibijotiċi għal sitwazzjonijiet fejn ikun hemm riskju ta' epiżootija fl-istabbiliment tal-akkwakultura u mhux sempliċiment bħala miżura preventiva u li jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq ir-riskju tat-trasferiment tar-reżistenza lill-konsumaturi;

Kampanji ta' promozzjoni u komunikazzjoni aħjar

56.

Jirrimarka li kampanji promozzjonali u ta' komunikazzjoni aħjar fil-livell tal-UE dwar il-benefiċċji tal-akkwakultura u tal-konsum tal-ħut huma meħtieġa;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ kampanji ġeneriċi tal-UE li jkunu sodi u dejjiema u li jispjegaw il-merti tas-sostenibilità tal-prodotti tal-akkwakultura tal-UE, li jiffokaw fuq il-livell għoli tal-kwalità tagħhom u fuq l-istandards tal-benesseri tal-annimali u ambjentali tagħhom meta jitqabblu ma' dawk importati minn pajjiżi terzi, bħal fil-każ tat-tikketta "Farmed in the EU";

58.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mħeġġa u ffinanzjati kampanji promozzjonali għal skemi ta' kwalità reġjonali, koperti mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, bħalma huma d-denominazzjonijiet ta' oriġini protetta; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tibda kampanja informattiva għall-konsumaturi u n-negozji fl-UE kollha dwar l-akkwakultura b'mod ġenerali, u b'mod partikolari dwar id-differenzi bejn l-istandards stretti u komprensivi fis-suq Ewropew u l-istandards ta' livell aktar baxx applikabbli għal prodotti importati minn pajjiżi terzi, b'enfasi partikolari fuq il-problemi kkawżati għas-sikurezza tal-ikel u s-saħħa pubblika bl-introduzzjoni ta' mikroorganiżmi partikolarment reżistenti u r-RAM fl-Unjoni; jenfasizza l-valur tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benesseri tal-ħut waqt it-trobbija, it-trasport u l-qtil biex jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi u r-reklamar ta' prodotti ta' kwalità garantita mill-istandards tal-UE meta mqabbla mal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni twarrab ammont xieraq tal-baġit promozzjonali tal-UE għall-promozzjoni tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura; jemmen li kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni fuq firxa wiesgħa bbażata fuq prinċipji komuni u li tkopri lill-Istati Membri kollha, stabbilita bħala miżura ta' appoġġ kollettiv b'intensità tal-appoġġ ta' 80-100 %, għandha tinbeda sabiex jiżdiedu l-għarfien u l-aċċettazzjoni tal-prodotti tal-akkwakultura tal-UE;.

60.

Jappoġġja l-FLAGs tal-akkwakultura tan-netwerk FARNET fil-promozzjoni tal-attivitajiet tagħhom fil-livelli lokali, nazzjonali u Ewropej;

Nappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni

61.

Jirrimarka li l-FEMS, li jalloka EUR 1,2 biljun għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE, u sorsi oħra ta' finanzjament, bħal Orizzont 2020, jipprovdu opportunità għall-innovazzjoni;

62.

Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza tal-FLAGs, li qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-sajd u tal-akkwakultura f'żoni partikolari permezz tat-tisħiħ tar-riżorsi tas-sajd lokali u l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni fis-sajd u l-akkwakultura;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa r-riċerka dwar l-ostreid herpesvirus u l-ġlieda kontrih;

64.

Huwa mħasseb dwar l-impatt ta' ċerti speċijiet aljeni invażivi fuq l-akkwakultura Ewropea; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni bbażata fuq ix-xjenza, effettiva u proporzjonata tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi sabiex jiġu protetti kemm is-settur tal-akkwakultura Ewropea kif ukoll l-ispeċijiet indiġeni u l-ekosistemi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni bil-ħsieb li jiġu miġġielda l-aktar speċijiet aljeni invażivi problematiċi;

65.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-ġlieda kontra t-taqqab tal-gajdra Ġappuniż;

66.

Jenfasizza li l-Orizzont 2020 u l-Programm Qafas 9 (FP9) għandhom ikomplu jappoġġaw l-attivitajiet tar-riċerka fl-akkwakultura li jtejbu l-kompetittività tas-settur u jindirizzaw il-kwistjonijiet enfasizzati fil-konferenza tal-Kummissjoni tal-2016, "FOOD 2030", u fl-opinjoni tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi, "Ikel mill-Oċeani";

67.

Jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (EATiP) u mal-Kunsill Konsultattiv tal-Akkwakultura dwar suġġetti ta' prijorità għall-inklużjoni fil-pjanijiet strateġiċi nazzjonali;

68.

Iħeġġeġ li jsiru investimenti fir-riċerka, l-istudji u l-proġetti pilota dwar prattiki tal-akkwakultura bbażati fuq l-ekosistema, b'mod partikolari għar-reġjuni ultraperiferiċi u dawk bi żvantaġġi demografiċi;

69.

Jirrimarka li għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-komunità xjentifika, minn naħa waħda, u l-produtturi tal-akkwakultura u partijiet ikkonċernati oħra upstream u downstream mill-produtturi min-naħa l-oħra;

70.

Jitlob li, fuq il-bażi tal-aħjar rakkomandazzjonijiet xjentifiċi, jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE protokolli standard għall-ġbir ta' data bil-għan li jimmonitorjaw u jtejbu l-ġestjoni tal-akkwakultura u l-prattiki ta' produzzjoni u l-impatt soċjali, ekonomiku, ambjentali, u fuq is-saħħa ta' tali prattiki, kemm għall-farms tal-ħut tal-baħar kif ukoll tal-ilma ħelu;

71.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu teknoloġiji innovattivi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent fl-akkwakultura, bħall-akkwaponika, sabiex jipproduċu l-ikel b'mod sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u biex jiġu evitati impatti negattivi fuq l-ambjent;

72.

Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-esplorazzjoni ta' opportunitajiet biex tkompli tiġi żviluppata l-akkwakultura tal-algi, settur b'valur ekoloġiku u ekonomiku, b'kunsiderazzjoni xierqa għas-sostenibilità soċjali u ambjentali;

Inħeġġu t-taħriġ u l-impjiegi

73.

Jistieden lill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni meta dan ikun benefiku, jiggarantixxu taħriġ vokazzjonali xieraq fil-qasam tal-akkwakultura u jieħu nota tal-possibilità ta' taħriġ mill-ġdid tas-sajjieda professjonali f'metodi alternattivi ta' ġestjoni tal-ambjenti akkwatiċi, biex b'hekk jgħinu wkoll fil-ħolqien tal-impjiegi għan-nisa u ż-żgħażagħ fiż-żoni rurali u kostali u fir-reġjuni ultraperiferiċi, fil-gżejjer, u, b'mod ġenerali, f'reġjuni li jiddependu ħafna fuq is-sajd u l-attivitajiet tal-akkwakultura;

Inżidu s-sostenibilità tas-settur tal-akkwakultura tal-UE

74.

Jenfasizza r-rwol importanti tan-nisa fis-settur tal-akkwakultura u l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni tiġi adattata għal din ir-realtà, u l-ħtieġa li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-attivitajiet l-oħra marbuta mal-akkwakultura stess, bħal dawk żviluppati, fost affarijiet oħra, min-nissieġa tax-xbieki tas-sajd jew minn min jippakkja;

75.

Jinnota li sistemi innovattivi mmirati lejn it-trobbija tal-ħut kemm jista' jkun mill-qrib tal-ekosistema u bl-użu tal-għalf naturali s'issa għad ma kellhomx preżenza suffiċjenti fis-suq Ewropew; jitlob li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas għal dawn is-sistemi;

76.

Jemmen li hemm bżonn isiru investimenti sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal u tiġi żgurata s-sostenibilità tas-settur tal-akkwakultura, kif ukoll għall-ħarsien tal-ambjent u l-provvista ta' beni pubbliċi, u jitlob, għaldaqstant, żieda fil-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni u għal proġetti ta' produzzjoni sostenibbli u orjentati lejn il-kwalità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jissimplifikaw u jnaqqsu l-piż burokratiku fuq is-settur tal-akkwakultura, inklużi l-pixxikulturi tal-għadajjar;

77.

Jenfasizza li t-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-akkwakultura u programmi universitarji speċifiċi se jġibu ideat ġodda u jistimolaw l-interess f'dan is-settur ekonomiku;

Niżguraw finanzjament adegwat permezz tal-FEMS u fondi strutturali oħra

78.

Jilqa' l-promozzjoni ta' akkwakultura sostenibbli u kompetittiva bħala waħda mill-prijoritajiet tal-FEMS; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, li, skont il-konklużjonijiet tal-istudju li ġie ppubblikat fl-2014 mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-predeċessur tiegħu, il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), ma appoġġax l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura b'mod effettiv; jinnota li fil-livell Ewropew, il-miżuri ta' appoġġ kienu meqjusa li ma tfasslux tajjeb u lanqas ma ġew sorveljati kif jixraq, u li ma pprovdewx qafas ċar biżżejjed għall-iżvilupp tal-akkwakultura; jinnota wkoll li, fil-livell nazzjonali, il-miżuri ta' appoġġ la tfasslu b'mod korrett u lanqas ma ġew applikati kif suppost, u li l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali u l-programmi operattivi tagħhom ma pprovdewx bażi ċara biżżejjed għall-promozzjoni tal-akkwakultura, u li s-sitwazzjoni ma kinitx tjiebet bl-appoġġ tal-FEMS;

79.

Jirrimarka li l-edukazzjoni u l-komunikazzjoni tajba se jattiraw liż-żgħażagħ lejn dan is-settur, jiżguraw il-futur u l-kompetittività tiegħu, u jwasslu għal teknoloġija ġdida u innovazzjoni fl-iżvilupp tiegħu;

80.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill iżidu l-intensità tal-appoġġ għall-appoġġ għal investiment fl-akkwakultura tal-ilma ħelu għal 75 % fil-politika tas-sajd ta' wara l-2020 sabiex tingħata spinta lir-rieda għall-investiment u biex tiġi pprovduta l-għajnuna tant meħtieġa lil dawk li jrabbu l-ħut; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tħejji, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, skema ta' appoġġ tar-rata ta' finanzjament għall-investimenti fl-akkwakultura u l-assi likwidi fuq livell tal-UE;

81.

Jipproponi wkoll iż-żieda tal-appoġġ tal-UE fil-futur għal-Innovazzjoni tar-Riċerka u l-Iżvilupp marbuta mal-akkwakultura, b'mod partikolari fir-rigward ta' oqsma li jaffettwaw is-sostenibilità ekonomika u l-kompetittività internazzjonali bħalma huma l-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi, l-iżvilupp ta' materjali bijoloġiċi għall-finanzjament, it-tnaqqis tal-piż fuq l-ambjent, il-provvediment ta' servizzi ambjentali ta' livell ogħla, eċċ.;

82.

Jinnota li, minħabba d-dewmien fl-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEMS u l-approvazzjoni tal-programmi operattivi tal-Istati Membri, l-operaturi fil-fatt ma setgħux jibdew jibbenefikaw mill-fondi tal-FEMS qabel tmiem l-2016, u dan ifisser dewmien ta' kważi tliet snin;

83.

Jitlob simplifikazzjoni tal-proċedura u tad-dokumenti li jridu jiġu ppreżentati sabiex jinkiseb finanzjament mill-FEMS;

84.

Jitlob li l-iskemi kollha li jipprevjenu l-promozzjoni tal-akkwakultura, inkluż permezz ta' strumenti finanzjarji oħra tal-UE (bħal pereżempju l-FEŻR), jiġu rieżaminati b'mod orjentat lejn is-sussidju;

85.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi ulterjuri u tipprovdi għajnuna addizzjonali meħtieġa biex tippermetti lill-utenti tal-FEMS jiksbu aċċess għall-finanzjament;

86.

Jenfasizza li huwa meħtieġ appoġġ aktar qawwi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u dawk interprofessjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru pilastri tal-OKS;

Simbjożi armonjuża mas-sajd

87.

Jirrimarka li m'għandux ikun hemm antagoniżmu bejn is-sajd u l-akkwakultura u li ż-żewġ setturi jistgħu jkunu perfettament kompatibbli u komplementari, b'mod speċjali fir-reġjuni kostali jew il-gżejjer li huma dipendenti ħafna fuq dawk l-attivitajiet u li fihom jiġi pprattikat is-sajd artiġjanali; jappella, għalhekk, għal installazzjonijiet offshore tal-akkwakultura li għandhom jiġu żviluppati aktar;

88.

Jenfasizza li l-akkwakultura tal-baħar hija kompatibbli u komplementari mas-sajd kostali fir-reġjuni ultraperiferiċi, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp ta' tekniki tat-trobbija u tal-għażla tal-varjetajiet fl-ilmijiet sħan taż-żoni tropikali jew subtropikali; jistieden lill-Kummissjoni tirrileva r-rwol moqdi min-nisa fis-sajd kostali mhux industrijali u fl-attivitajiet assoċjati kollha;

89.

Jistieden lill-Kummissjoni talloka aktar finanzjament għal metodi ta' produzzjoni tal-akkwakultura ambjentalment responsabbli bħal sistemi tal-akkwakultura tal-baħar ta' konteniment magħluq (CCS) u sistemi ta' ċirkolazzjoni mill-ġdid ibbażati fuq l-art (RASs) sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv tal-akkwakultura fuq il-ħabitats, il-popolazzjonijiet tal-ħut selvaġġ u tal-kwalità tal-ilma;

90.

Itenni l-fehmiet li diġà esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-adozzjoni ta' Pjan Ewropew ta' Kontroll tal-Istokkijiet tal-Marguni, u jindika li t-tnaqqis fil-ħsarat ikkawżati mill-marguni u minn tajr ieħor tal-priża lill-azjendi tal-akkwakultura huwa fattur importanti għall-ispejjeż tal-produzzjoni u għaldaqstant għas-sopravvivenza u l-kompetittività tagħhom; jistieden lill-Istati Membri japplikaw l-eċċezzjonijiet attwali fil-każ tar-russetti u l-marguni u lill-Kummissjoni biex jirrieżaminaw l-istat ta' konservazzjoni tal-lontra;

91.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, tieħu azzjoni biex jitnaqqsu b'mod drastiku l-istokkijiet tal-marguni bl-użu tal-metodi kollha sabiex, minn naħa, l-eżistenza tal-istokkijiet tal-marguni tiġi assigurata u, min-naħa l-oħra, ma tinħoloq l-ebda theddida għal speċijiet oħra u tiġi evitata kwalunkwe ħsara lill-akkwakulturi kkonċernati;

o

o o

92.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23.

(3)  ĠU L 204, 6.8.2009, p. 15.

(4)  ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.

(5)  ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1.

(6)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(7)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(8)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1.

(9)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.

(10)  ĠU L 157, 20.6.2017, p. 1.

(11)  ĠU C 21 E, 28.1.2010, p. 11.

(12)  ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 132.

(13)  ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 119.

(14)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 177.

(15)  ĠU C 316, 22.9.2017, p. 64.

(16)  ĠU C 76, 28.2.2018, p. 40.

(17)  Testi adottati, P8_TA(2017)0316.

(18)  Il-Kummissjoni Ewropea (29 ta' Ġunju 2017), ‘Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (RAM)’, p. 10.

(19)  ‘Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM)’, p. 15.

(20)  Ibid, p. 12.


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/40


P8_TA(2018)0254

Il-politika ta' koeżjoni u l-ekonomija ċirkolari

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar il-politika ta' koeżjoni u l-ekonomija ċirkolari (2017/2211(INI))

(2020/C 28/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 4, 11, 174 sa 178, 191 u 349 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21 u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-UNFCCC, kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saru f'Pariġi, fi Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

wara li kkunsidra l-Artikoli 7(2) u 11(2) tal-Ftehim ta' Pariġi li jirrikonoxxu d-dimensjonijiet lokali, sottonazzjonali u reġjonali tat-tibdil fil-klima u l-azzjoni klimatika,

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli l-ġodda tan-NU, u b'mod partikolari l-għan 7: li "jiġi żgurat l-aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd"u l-għan 11: li "l-bliet isiru inklużivi, siguri, reżiljenti u sostenibbli",

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1) (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni"),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 bit-titolu "Qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari"(COM(2018)0029),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2017 bit-titolu "Ir-rwol tal-enerġija mill-iskart fl-ekonomija ċirkolari"(COM(2017)0034),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari (COM(2017)0033),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej"(COM(2015)0639),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari"(COM(2015)0614),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa"(COM(2014)0398),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Pjan ta' azzjoni ekoloġiku għall-SMEs: Għajnuna għall-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet tan-negozju"(COM(2014)0440),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu: "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv"(COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2012 bit-titolu "Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa"(COM(2012)0060),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Lulju 2012 bit-titolu "Bliet u Komunitajiet Intelliġenti – Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni"(C(2012)4701),

wara li kkunsidra l-istudju ta' Diċembru 2017 ikkummissjonat mill-Kummissjoni bit-titolu "Integration of environmental concerns in Cohesion Policy Funds (ERDF, ESF, CF) – Results, evolution and trends through three programming periods (2000-2006, 2007-2013, 2014-2020)"(L-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni (FEŻR, FSE, FK) – Riżultati, evoluzzjoni u xejriet matul tliet perjodi ta' programmazzjoni (2000-2006, 2007-2013, 2014-2020)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-investiment f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea – l-aħjar prattiki u miżuri innovattivi (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar opportunitajiet ta' tkabbir ekoloġiku għall-SMEs (12),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Gżejjer Intelliġenti tat-28 ta' Marzu 2017,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0184/2018),

A.

billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma l-aktar familjari ma' kwistjonijiet lokali u reġjonali u huma atturi ewlenin għal implimentazzjoni effikaċi tal-politika ta' koeżjoni, huma wkoll fuq quddiem tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; billi l-mudell ta' governanza Ewropea f'diversi livelli, li huwa mibni fuq kooperazzjoni attiva u kostruttiva bejn il-livelli differenti ta' governanza u l-partijiet ikkonċernati, flimkien ma' informazzjoni adegwata u involviment attiv taċ-ċittadini, huwa kruċjali għall-kisba ta' din il-bidla;

B.

billi l-bliet jirrappreżentaw biss 3 % tas-superfiċje tad-dinja iżda jilqgħu fihom aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja, jikkonsmaw aktar minn 75 % tar-riżorsi globali, u jipproduċu 60-80 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, u billi sal-2050, 70 % tal-popolazzjoni globali hija mistennija li tiċċaqlaq lejn il-bliet;

C.

billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar b'saħħitha u aktar ċirkolari hija kemm opportunità tajba kif ukoll sfida għall-UE, l-Istati Membri tagħha u ċ-ċittadini tagħha, biex tiġi mmodernizzata l-ekonomija Ewropea u tiġi ggwidata lejn direzzjoni aktar sostenibbli; billi din hija, b'mod partikolari, opportunità għar-reġjuni Ewropej kollha u l-awtoritajiet lokali, li huma l-livell governattiv l-eqreb tal-komunitajiet lokali; billi ġġib magħha possibbiltajiet għall-iżvilupp u t-tkabbir fir-reġjuni Ewropej u tista' tgħinhom jibnu mudell sostenibbli li jikseb żvilupp ekonomiku, jittrasforma setturi eżistenti, itejjeb il-bilanċi kummerċjali u l-kompetittività industrijali bi produttività mtejba, joħloq impjiegi ġodda, ta' kwalità għolja u mħallsin tajjeb u joħloq ktajjen ta' valur ġodda;

D.

billi madwar 60 % tal-iskart tal-UE fil-preżent mhuwiex riċiklat u billi l-esplorazzjoni u l-introduzzjoni ta' mudelli ta' negozju ċirkolari ġodda jistgħu joħolqu kost-benefiċċji kbar u opportunitajiet ta' negozju għall-benefiċċju tal-SMEs tal-UE;

E.

billi l-ilħuq tal-miri tal-Ftehim ta' Pariġi jirrikjedu bidla lejn ekonomija aktar ċirkolari u huwa kontribut vitali għall-iżvilupp ta' mudell ekonomiku li għandu bħala l-għan tiegħu, mhux biss il-profitt, iżda anke l-protezzjoni tal-ambjent;

F.

billi l-politika ta' koeżjoni toffri mhux biss opportunitajiet ta' investiment b'reazzjoni għall-ħtiġijiet lokali u reġjonali permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), iżda toffri wkoll qafas ta' politika integrat biex jitnaqqsu d-disparitajiet tal-iżvilupp bejn ir-reġjuni Ewropej u biex jiġu megħjuna jindirizzaw il-ħafna sfidi għall-iżvilupp tagħhom, inkluż permezz tal-appoġġ għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll il-kooperazzjoni territorjali u l-bini ta' kapaċità, u anke biex jiġi attirat u promoss l-investiment privat;

G.

billi l-qafas leġiżlattiv kurrenti għall-politika ta' koeżjoni ma jsemmix it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari bħala objettiv, u billi l-iżvilupp sostenibbli huwa prinċipju orizzontali għall-użu tal-Fondi SIE, kif definit fl-Artikolu 8 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni kif ukoll fil-Qafas Strateġiku Komuni (Anness I) li jippermettu t-tisħiħ tar-rabta bejn l-istrumenti eżistenti bħala appoġġ tal-proġetti tal-ekonomija ċirkolari;

H.

billi ħafna mill-objettivi tematiċi stabbiliti għall-Fondi SIE li jridu jikkonformaw mal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, kif ukoll il-kundizzjonalitajiet ex ante relatati, huma rilevanti għall-objettivi ta' ekonomija ċirkolari;

I.

billi l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għamilha obbligatorja li l-operazzjonijiet appoġġjati mill-Fondi SIE jkunu konformi mad-dritt applikabbli tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali relatat mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż speċjalment id-dritt ambjentali;

J.

billi wieħed mill-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari huwa li jitnaqqas l-iskart li jintbagħat fil-landfills u billi l-iżgurar u r-riabilitazzjoni ta' landfills legali u illegali fl-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala prijorità assoluta;

K.

billi ċ-Ċina pprojbiet, mill-1 ta' Jannar 2018, l-importazzjonijiet ta' fdal tal-plastik u ta' skart tal-karti mhux isseparat, u billi din il-projbizzjoni se toħloq sfidi ta' riċiklaġġ għall-Unjoni, li se jinħtieġ li jiġu ttrattati fil-livelli reġjonali u lokali;

Ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fil-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari

1.

Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tappoġġja l-ekonomija ċirkolari permezz ta' politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari permezz ta' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni biex jgħinu lill-Istati Membri u lir-reġjuni tal-UE jużaw il-fondi tal-politika ta' koeżjoni għall-ekonomija ċirkolari;

2.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, l-appoġġ tal-UE għall-perjodu 2014-2020 għall-innovazzjoni, l-SMEs, l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u l-protezzjoni ambjentali jammonta għal EUR 150 biljun u ħafna minn dawn l-oqsma qed jikkontribwixxu għall-kisba ta' ekonomija ċirkolari;

3.

Jinnota li l-analiżi dwar ir-riżultat tan-negozjati rigward il-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għall-perjodu ta' programmazzjoni kurrenti wriet li l-FSE ntuża biex jappoġġja azzjonijiet biex jiġu introdotti mudelli ta' organizzazzjoni tax-xogħol aktar ekoloġiċi u azzjonijiet fis-settur ekoloġiku;

4.

Jinnota, madankollu, li kif issottolinjat fi studju kkummissjonat mill-Kummissjoni, il-qafas ta' politika kurrenti ma jippermettix li jiġi kopert il-kontribut sħiħ tal-politika ta' koeżjoni għall-ekonomija ċirkolari; jinnota l-fatt, f'dan ir-rigward, li d-definizzjoni tal-kategoriji tal-"Qasam ta' Intervent"eżistenti użati għall-allokazzjonijiet finanzjarji ma tkoprix l-ekonomija ċirkolari bħala tali;

5.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta l-miżuri ppjanati tal-ekonomija ċirkolari u tosserva prattiki regolatorji tajbin, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssorveljati l-miżuri ta' implimentazzjoni;

6.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat l-impenn tal-Kummissjoni għal qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari (13) bil-għan li jiżdied u jiġi evalwat il-progress miksub fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, filwaqt li jitnaqqas il-piż amministrattiv;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni straordinarja biex tirranġa ż-żoni użati għar-rimi illegali u r-rimi ta' skart perikoluż fil-landfills, li qed jaffettwaw b'mod negattiv is-saħħa u l-benesseri ekonomiku u soċjali tal-popolazzjonijiet ikkonċernati;

8.

Jissottolinja r-rwol tal-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020 u tal-Programm LIFE 2014-2020 biex jiffinanzjaw proġetti innovattivi u jappoġġjaw it-tnaqqis tal-iskart, il-proġetti ta' riċiklaġġ u l-proġetti ta' użu mill-ġdid li jkunu rilevanti għall-ekonomija ċirkolari;

9.

Japprezza li diversi reġjuni użaw l-istrateġiji tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom biex jistabbilixxu prijoritajiet relatati mal-ekonomija ċirkolari u jiggwidaw l-investimenti tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-politika ta' koeżjoni lejn dan l-objettiv, filwaqt li jwettqu rwol fundamentali biex jappoġġjaw l-investimenti u l-infrastruttura li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-SMEs; jistieden lill-awtoritajiet reġjonali jużaw din il-prattika tajba bħala modus operandi komuni u jimplimentaw dawn l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti;

10.

Jilqa' l-ħolqien ta' Ċentru Ewropew tal-Eċċellenza fl-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi għall-SMEs, kif ukoll il-Pjattaforma ta' Appoġġ Finanzjarju tal-Ekonomija Ċirkolari;

11.

Itenni l-fehma tiegħu li l-ekonomija ċirkolari tmur lil hinn mill-ġestjoni tal-iskart u tinkludi oqsma bħalma huma l-impjiegi ekoloġiċi; l-enerġija rinnovabbli; l-użu effiċjenti tar-riżorsi; il-bijoekonomija; il-politiki fil-qasam tal-agrikoltura u tas-sajd, bl-industriji b'bażi bijoloġika tagħhom maħsuba biex jieħdu post il-fjuwils fossili; il-ġestjoni tal-ilma; l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; il-ħela tal-ikel; l-iskart fil-baħar; it-titjib tal-kwalità tal-arja; ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni f'oqsma relatati; jirrikonoxxi, madanakollu, li l-infrastruttura tal-iskart hija element kruċjali għat-tnaqqis ta' xejriet lineari ta' produzzjoni u ta' konsum u li hemm bżonn li jiġu appoġġjati l-innovazzjonijiet fil-qasam tal-ekodisinn sabiex jitnaqqsu l-livelli ta' skart tal-plastik;

12.

Ifakkar li l-problema bażika li trid tiġi solvuta l-ewwel hija s-suq tal-materja prima sekondarja, peress li jekk l-ispiża tal-materja prima tkun inqas minn dik tal-materja riċiklata, huwa ċar li l-ispinta lejn l-ekonomija ekoloġika tonqos b'mod konsiderevoli u li l-użu tal-fondi strutturali jista' jintilef f'ċirku vizzjuż; iqis, f'dan il-kuntest, li ċerti liġijiet ad hoc (bħall-proposta li ġejja tal-Kummissjoni dwar l-użu uniku tal-prodotti tal-plastik) u tassazzjoni xierqa fil-livell tal-UE bħala parti mir-riżorsi proprji tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, jistgħu jagħtu kontribut deċiżiv għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

13.

Jenfasizza l-fatt li, bħala medja, il-materjali riċiklati jissodisfaw biss madwar 10 % tad-domanda tal-UE għal materjali; jirrikonoxxi, fir-rigward ta' żviluppi ġodda fis-swieq globali, speċjalment il-projbizzjoni riċenti fiċ-Ċina ta' fdal ta' plastiks u skart tal-karti mhux isseparat, il-potenzjal il-ġdid għal reġjuni u komunitajiet lokali li jinvestu f'infrastruttura ta' riċiklaġġ, joħolqu impjiegi ekoloġiċi ġodda u jindirizzaw l-isfidi kurrenti li qed tiffaċċja l-UE;

14.

Jenfasizza l-eżistenza u l-importanza tal-kundizzjonalitajiet ex ante dwar il-Fondi SIE relatati, b'mod partikolari, mal-objettiv tal-ħarsien u l-protezzjoni l-ambjent u tal-promozzjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għal dik dwar "il-promozzjoni ta' investimenti ekonomikament u ambjentalment sostenibbli fis-settur tal-iskart"; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-negliġenza tal-ġerarkija tal-iskart u n-nuqqas ta' valutazzjoni ambjentali soda tal-eżiti fit-tul tal-investimenti taħt il-Fondi SIE;

15.

Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni akbar bejn ir-reġjuni, SMEs u entitajiet pubbliċi/privati oħrajn sabiex jitnedew pjattaformi tematiċi ġodda ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, b'mod partikolari bejn is-settur agroalimentari, dak tal-enerġija u dak industrijali;

16.

Jenfasizza l-importanza li tkun applikata l-ġerarkija tal-iskart bħala prerekwiżit biex tinkiseb ekonomija ċirkolari, kif ukoll il-bżonn ta' trasparenza akbar fil-katina tal-provvista, sabiex il-prodotti u l-materjali li jkunu waslu fi tmiem il-ħajja jkunu jistgħu jiġu mmonitorjati u rkuprati b'mod effiċjenti; barra minn hekk, jirrikonoxxi xejra negattiva fl-investiment tal-Fondi SIE f'livelli aktar baxxi tal-ġerarkija tal-iskart, b'mod partikolari fil-faċilitajiet ta' trattament bijoloġiku mekkaniku (MBT) u fl-inċinerazzjoni, li f'ċerti każijiet tista' twassal għal kapaċitajiet żejda u lock-in teknoloġiku fit-tul, u li b'hekk tipperikola l-ilħuq tal-miri ta' riċiklaġġ tal-UE; ifakkar li t-tħeġġiġ tal-komunità tan-negozju biex issegwi l-ġerarkija għandu jiġġenera materjali addizzjonali fil-fluss tar-riżorsi, u għandu joffri wkoll opportunitajiet potenzjali għall-użu tagħhom fil-manifattura;

17.

Ifakkar fil-miri l-ġodda dwar l-iskart għall-2025, l-2030 u l-2035 stabbiliti fir-rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u jissottolinja li l-ilħuq ta' dawn il-miri jirrikjedi impenn politiku fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll investimenti ekonomiċi; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-fondi tal-Unjoni disponibbli b'appoġġ għal tali investimenti u jissottolinja li dawn se jiġġeneraw redditi sinifikanti f'termini ta' tkabbir ekonomiku u ħolqien tal-impjiegi;

18.

Jissottolinja l-importanza tal-proġetti reġjonali għall-ipproċessar tal-iskart residwu li huwa kompletament mhux riċiklabbli sabiex jiġu prodotti bijokarburanti sostenibbli tat-tieni ġenerazzjoni, wara separazzjoni bir-reqqa jew ġbir separat f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-definizzjonijiet kollha relatati mal-iskart jikkonformaw mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u li tkun disponibbli data komparabbli dwar il-progress li jsir mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

20.

Jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva Azzjonijiet Innovattivi Urbani, li s'issa approvat tmien proġetti innovattivi tal-ekonomija ċirkolari tal-awtoritajiet urbani għal finanzjament tal-FEŻR u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tevalwa l-implimentazzjoni tagħhom sabiex tifformula politiki usa' tal-ekonomija ċirkolari;

L-ekonomija ċirkolari bħala mutur għall-iżvilupp sostenibbli u reġjonali

21.

Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tas-sħubija u r-rwol importanti tal-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-settur mhux governattiv, inklużi l-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, waqt it-tfassil ta' ftehimiet ta' sħubija u programmi operattivi; jitlob li jkun hemm involviment ġenwin tas-sħab fil-proċessi ta' politika, bil-ħolqien ta' sħubijiet trasversali u li fid-dokumenti ta' programmazzjoni jiġu inkorporati adegwatament objettivi relatati mal-ekonomija ċirkolari; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom stess f'dan il-qasam f'koordinazzjoni mal-approċċ tal-UE għal ekonomija ċirkolari; jenfasizza r-rwol ewlieni li jista' jkollu l-gvern lokali fil-kisba tal-ekonomija ċirkolari;

22.

Jenfasizza l-importanza tar-rwol tas-sħubijiet pubbliċi-privati fit-tfassil u l-ippjanar ta' prodotti u servizzi ġodda li jieħdu kont taċ-ċiklu tal-ħajja, bil-ħsieb li jiġu implimentati erba' mudelli tad-disinn li jkunu jistgħu jintużaw taħt ekonomija ċirkolari: it-tfassil għal-lonġevità; it-tfassil għal kiri/servizz; it-tfassil għall-użu mill-ġdid fil-manifattura; it-tfassil għall-irkupru ta' materjali;

23.

Jenfasizza l-ħtieġa li jinbidlu u jiġu adattati l-istrateġiji u l-mudelli tas-suq kurrenti biex jakkumpanjaw lir-reġjuni fit-tranżizzjoni lejn din il-forma ta' ekonomija aktar sostenibbli, filwaqt li fl-istess ħin tingħata spinta lill-kompetittività ekonomika, industrijali u ambjentali;

24.

Jitlob li tiġi implimentata l-ekonomija ċirkolari fil-qafas tal-governanza kkoordinata f'diversi livelli u l-prinċipju tas-sħubija, bi trasparenza sħiħa, l-involviment tal-komunitajiet lokali u l-parteċipazzjoni pubblika wiesgħa;

25.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa aktar kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha involuti fil-proċessi ta' ekonomija ċirkolari;

26.

Jinnota li l-proġetti relatati mal-ekonomija ċirkolari li rċevew l-appoġġ tal-politika ta' koeżjoni ġabu magħhom benefiċċji akbar għal reġjuni aktar żviluppati; jirrikonoxxi l-kapaċità amministrattiva limitata ta' reġjuni anqas żviluppati, u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jużaw il-possibbiltajiet kollha eżistenti sabiex jipprovdu għajnuna esperta u jsaħħu l-kapaċità ta' dawn ir-reġjuni biex jgħinuhom iżidu l-isforzi tagħhom, u biex joħolqu kundizzjonijiet għall-kisba ta' qabża teknoloġika billi jimplimentaw aktar proġetti li jissodisfaw il-prinċipji ta' ekonomija ċirkolari u billi jiżviluppaw sħubijiet u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati bħal esperti tal-materjali, kimiki, manifatturi u riċiklaturi, partikolarment fil-qafas tal-inizjattiva "Industrija 2020 fl-ekonomija ċirkolari";

27.

Jisħaq fuq l-istimi li bidla lejn materja prima bijoloġika u metodi ta' pproċessar bijoloġiku tista' tiffranka sa 2,5 biljun tunnellata ta' CO2 fis-sena sal-2030, biex b'hekk jiżdiedu ferm is-swieq għall-materja prima b'bażi bijoloġika u prodotti ġodda tal-konsumatur; jenfasizza l-importanza assoluta ta' ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità filwaqt li r-riżorsi jiġu ttrasformati fi prodotti, materjali u fjuwils b'bażi bijoloġika;

28.

Iqis li l-bijoekonomija hija essenzjali għall-iżvilupp reġjonali u lokali, peress li żżid il-koeżjoni bejn ir-reġjuni permezz tal-potenzjal tagħha li toħloq l-impjiegi u t-tkabbir fiż-żoni rurali; jitlob li jsir aktar użu mill-Fondi SIE għall-implimentazzjoni ta' innovazzjonijiet eżistenti, permezz ta' politiki li jħeġġu l-partijiet ikkonċernati, filwaqt li tkompli titrawwem l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' materjali b'bażi bijoloġika, bijodegradabbli, riċiklabbli u kompostabbli prodotti minn stokkijiet tal-għalf bijoloġiku mmaniġġjati b'mod sostenibbli; ifakkar li l-implimentazzjoni konsistenti tal-bijoekonomija tista' wkoll issolvi l-problema tal-ħela tal-ikel; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fil-ħolqien ta' sistemi u pjattaformi li jgħaqqdu l-atturi differenti mis-setturi tal-produzzjoni tal-ikel, tat-trasport, tal-bejgħ bl-imnut, tal-konsumaturi u tal-iskart, kif ukoll partijiet ikkonċernati oħrajn, biex b'hekk jinkisbu sinerġiji akbar biex joħolqu soluzzjonijiet effiċjenti;

29.

Jinnota li, barra l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, l-inċentivi għandhom jingħataw ukoll lill-konsumaturi nfushom, li għandhom jiġu infurmati b'mod kostanti u mħeġġa jibdlu l-imġiba tal-konsumaturi fir-rigward tal-ġestjoni u l-produzzjoni tal-iskart, ir-riċiklaġġ u kwistjonijiet li jinvolvu soluzzjonijiet sostenibbli fil-ħajja tagħhom ta' kuljum;

30.

Jitlob għal aċċess aħjar, eħfef u aktar trasparenti biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu ffinanzjati, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi tagħhom u permezz ta' aktar kooperazzjoni mal-BEI, fil-qafas taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment, sabiex ikunu jistgħu jiżdiedu l-investimenti f'impjiegi ekoloġiċi, il-ġestjoni tal-iskart, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, żvilupp ulterjuri ta' żoni rurali inkluż fir-rigward tal-infrastruttura meħtieġa u teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, il-bidla minn fjuwils fossili għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli u t-tranżizzjoni tal-enerġija lokali, inkluża l-effiċjenza fl-enerġija, distribuzzjoni deċentralizzata tal-enerġija, l-innovazzjoni għal enerġija nadifa u l-ekonomija ċirkolari; jilqa' l-fatt li l-BEI pprovda, matul l-aħħar ħames snin, madwar EUR 2,4 biljun f'kofinanzjament għal proġetti tal-ekonomija ċirkolari għall-ġestjoni tal-iskart, il-ġestjoni tal-ilma jew ir-riċerka u l-iżvilupp agrikoli; jenfasizza l-importanza ta' koordinazzjoni aħjar tal-Fondi SIE u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari, anke bil-ħsieb li jiġu żgurati programmi li jinkludu approċċ reġjonali u li jużaw aħjar il-potenzjal reġjonali għal sorsi tal-enerġija sostenibbli;

31.

Jistieden lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali biex jinkoraġġixxu l-istabbiliment u l-appoġġ ta' netwerks għall-użu mill-ġdid u għat-tiswija, partikolarment dawk li joperaw bħala intrapriżi tal-ekonomija soċjali, biex jestendu l-ħajja ta' prodotti permezz tal-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-riutilizzazzjoni, u billi jħaffu l-aċċess ta' tali netwerks għal punti ta' ġbir tal-iskart, u billi jippromwovu l-użu tal-Fondi SIE, l-istrumenti ekonomiċi, il-kriterji ta' akkwist pubbliku, jew miżuri oħra f'dan is-sens;

32.

Jenfasizza li s-sostenibbiltà taċ-ċiklu tal-ħajja tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ tiddependi mill-konsum tal-enerġija fit-trasport; jissottolinja li dan japplika b'mod partikolari għal żoni rurali fejn id-distanzi bejn il-punti ta' ġbir u s-siti tal-ipproċessar huma itwal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jikkunsidraw l-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja fl-istrateġiji tagħhom tal-ekonomija ċirkolari għal żoni rurali sabiex jevitaw impatti ambjentali u klimatiċi li jkunu b'mod ġenerali negattivi;

33.

Jirrimarka li, minn kampjun ta' 32 programm operattiv rivedut għal studju dwar l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-fondi tal-politika ta' koeżjoni, disgħa jindirizzaw l-ekonomija ċirkolari u sitta l-impjiegi ekoloġiċi; jilqa' l-isforzi eżistenti li saru mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali iżda fl-istess ħin jistieden lill-Istati Membri jintegraw aħjar l-ekonomija ċirkolari fil-programmi operattivi u reġjonali tagħhom u fil-ftehimiet ta' sħubija tagħhom; iħeġġeġ li jingħata appoġġ lir-reġjuni biex jiżguraw tranżizzjoni li tkun kemm jista' jkun bla xkiel għall-ekonomija ċirkolari;

34.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ekonomija ċirkolari tkun inkorporata b'mod xieraq fil-programmi edukattivi u t-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ mill-ġdid bħala suġġett interdixxiplinari sabiex tifforma attitudnijiet ġodda li mbagħad jgħinu sabiex jiġu ddefiniti mudelli ta' negozju ġodda u joħolqu impjiegi ġodda;

35.

Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali responsabbli għat-tħejjija tal-programmi operattivi biex jintegraw aktar mill-qrib l-ekonomija ċirkolari fi programmi ta' kooperazzjoni territorjali, b'mod partikolari l-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera, bil-għan li jimplimentaw soluzzjonijiet transfruntieri li jistgħu jiġġeneraw riżultati aktar effiċjenti u orħos;

36.

Jemmen li l-ippjanar futur tal-Fondi SIE fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss għandu jkun ikkoordinat aħjar mal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima għall-2030, billi juża, fejn ikun possibbli, indikaturi simili għal dawk li jinsabu fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija; jappella għal strateġija ambizzjuża u koerenti għall-Istati Membri sabiex jilħqu l-miri mandatorji diġà eżistenti fil-livell tal-UE dwar il-mitigazzjoni tal-klima;

37.

Jistieden lill-Istati Membri jaħtfu l-opportunità biex jintegraw aktar l-ekonomija ċirkolari fil-programmi operattivi kurrenti tagħhom matul il-perjodu ta' reviżjoni; jemmen li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita dan il-proċess filwaqt li tipprovdi assistenza għall-Istati Membri fir-rigward tal-analiżi tas-sitwazzjoni kurrenti u l-oqsma possibbli fejn l-ekonomija ċirkolari u l-prinċipji tagħha jkunu jistgħu jiġu applikati u miżjuda;

38.

Iqis li r-rwol tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) fl-indirizzar tal-isfidi relatati mal-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari għandu jkun imsaħħaħ aktar; jistieden lill-Istati Membri jrawmu l-kooperazzjoni transfruntiera, b'mod partikolari permezz tal-ETC, biex jiġu implimentati proġetti tal-ekonomija ċirkolari; barra minn hekk, jenfasizza l-importanza li jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli permezz ta' ftehimiet ta' qabel l-adeżjoni ma' pajjiżi li mhumiex Stati Membri biex jindirizzaw l-isfidi preżenti, speċjalment fil-qasam tat-tniġġis tal-arja;

39.

Jisħaq fuq il-potenzjal mhux sfruttat tal-istrateġiji makroreġjonali kurrenti biex jgħinu fl-indirizzar ta' sfidi relatati mal-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari, mhux biss fl-Istati Membri iżda wkoll f'pajjiżi terzi li jinstabu fl-istess żona ġeografika; jenfasizza li dawk l-istrateġiji għandhom jiffukaw fuq prijoritajiet li jappoġġjaw il-ħolqien ta' suq għal materja prima sekondarja għall-Unjoni; jitlob li jiġu żviluppati inizjattivi ta' kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi ġirien;

40.

Itenni l-fehmiet tiegħu dwar l-importanza tal-bini u ż-żamma adegwati tal-kapaċitajiet fl-awtoritajiet pubbliċi lokali, reġjonali u nazzjonali, li hija wkoll rilevanti ħafna għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; jindika r-rwol importanti li l-assistenza teknika jista' jkollha f'dan il-qasam; jirrikonoxxi li r-reġjuni u ż-żoni urbani għandhom rwol essenzjali fil-promozzjoni tas-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija minn isfel għal fuq (bottom-up) u huma l-aktar adattati għall-ittestjar u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet tal-enerġija integrati f'rabta diretta maċ-ċittadini; jisħaq fuq ir-rwol li jista' jkollhom l-inizjattivi "bliet intelliġenti"fl-ekonomija ċirkolari billi jippromwovu mudelli ta' teknoloġija ekoloġika bħala parti minn strateġiji ta' żvilupp urban sostenibbli; jissottolinja li bliet sostenibbli u "ċirkolari"huma strument għal ekonomija ċirkolari effettiva;

41.

Jenfasizza l-importanza tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku bħala mutur tal-ekonomija ċirkolari, b'suq potenzjali li jammonta għal EUR 1,8 triljun kull sena u li jipprovdi xogħlijiet pubbliċi, prodotti u servizzi (14);

42.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' qafas regolatorju tal-enerġija li jinkoraġġixxi liċ-ċittadini u l-komunitajiet tal-enerġija jipparteċipaw fit-tranżizzjoni tal-enerġija permezz tad-dritt tal-awtoproduzzjoni u l-awtokonsum, kif ukoll permezz ta' skemi għal appoġġ kontinwu, l-aċċess prijoritarju ggarantit għall-grilja u dispaċċ ta' prijorità għall-enerġija rinnovabbli;

43.

Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jkomplu jinvestu fi programmi edukattivi, f'taħriġ vokazzjonali u biex il-ħaddiema jerġgħu jiġu kkwalifikati, kif ukoll f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji u l-vantaġġi tal-azzjonijiet kollha bil-għan li tiġi implimentata l-ekonomija ċirkolari permezz ta' proġetti ta' politika ta' koeżjoni, biex b'hekk tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tiġi influwenzata l-imġiba tal-konsumaturi; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-potenzjal tal-FSE; jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li l-intraprendituri żgħażagħ jitħeġġu jersqu lejn ekonomija ċirkolari, speċjalment f'reġjuni b'livelli baxxi ta' introjtu u tkabbir; jissottolinja wkoll li l-ekonomija ċirkolari hija opportunità biex iż-żoni rurali jiġġieldu d-depopolazzjoni, jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom u jiksbu sigurtà kontra r-riskji; jindika, f'dan ir-rigward, li ż-żoni rurali għandhom bżonn ta' inċentivi għat-tranżizzjoni lejn katini ta' valur sostenibbli; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żviluppata strateġija speċifika għal reġjuni insulari;

44.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu tal-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) u l-Investiment Territorjali Integrat (ITI) biex tgħin lill-partijiet ikkonċernati lokali jikkombinaw flussi ta' fondi u jippjanaw inizjattivi lokali mmirati lejn l-ekonomija ċirkolari;

45.

Jinnota li 80 % tal-iskart fil-baħar jiġi minn sorsi bbażati fuq l-art; għalhekk jenfasizza l-importanza tal-indirizzar tal-art u r-rimi tal-iskart fil-baħar permezz ta' azzjoni lokali u reġjonali li għandha kemm il-benefiċċji ambjentali kif ukoll is-saħħa tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq il-prevenzjoni ta' skart iġġenerat fuq l-art;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, l-impatt fuq il-kalkolu ta' żbilanċi tal-gvern tal-investimenti reġjonali u nazzjonali kkofinanzjati permezz tal-Fondi SIE fi proġetti relatati mal-ekonomija ċirkolari;

47.

Jilqa' l-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 98/83/KE dwar l-Ilma tax-Xorb, li se tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari billi tnaqqas l-iskart tal-plastik mill-ilma fil-fliexken, u li tinvolvi ffrankar kbir tal-enerġija u ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma tax-xorb;

L-ekonomija ċirkolari fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020

48.

Jistieden lill-Kummissjoni, għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, timplimenta metodoloġija ta' rintraċċar rilevanti b'indikaturi xierqa li jippermettu monitoraġġ aħjar tal-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-kisba ta' ekonomija ċirkolari sabiex toffri stampa aktar preċiża tal-kundizzjonijiet ambjentali u soċjoekonomiċi;

49.

Jindika li appoġġ konsiderevoli għat-tkomplija tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari qed tiġi pprovduta wkoll minn programmi oħrajn, bħal LIFE, COSME u Orizzont 2020; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu s-sinerġiji bejn dawn l-istrumenti msemmija hawn fuq sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proposti leġiżlattivi l-ġodda għall-qafas ta' politika ta' koeżjoni futur, tiżviluppa kundizzjonalitajiet ex ante xierqa relatati mal-kisba ta' ekonomija ċirkolari; iqis li għandhom jiġu żviluppati strateġiji ta' ekonomija ċirkolari fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u mas-sħab ekonomiċi u soċjali;

51.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-programm Orizzont 2020 jagħti ferm aktar attenzjoni u finanzjament lill-proġetti ta' innovazzjoni u riċerka fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari;

52.

Jenfasizza l-importanza li jiżdied l-appoġġ tal-politika ta' koeżjoni għall-iżvilupp urban u rurali sostenibbli, u jitlob li jingħata rwol aktar prominenti lil objettivi relatati mal-ekonomija ċirkolari f'dan il-kuntest; jitlob li jitkomplew azzjonijiet urbani u rurali innovattivi f'dan il-qasam u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu massimu mit-tagħlimiet meħuda fil-perjodu 2014-2020 meta tħejji l-proposti għall-futur; jitlob li jkun hemm approċċ flessibbli u mfassal apposta fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana, u li jipprovdi inċentivi u gwida biex jiġu sfruttati għalkollox il-potenzjali tal-bliet fl-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Ekonomija Ċirkolari post fejn jiġu skambjati l-aħjar prattiki sabiex isir l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

54.

Jenfasizza l-interdipendenza tal-ekonomija ċirkolari u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u għaldaqstant jitlob infiq akbar f'investimenti relatati mal-ekonomija ċirkolari u mal-klima fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020; barra minn hekk jenfasizza li fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (QFP) in-nefqa relatata mal-klima għandha b'mod ġenerali tiżdied meta mqabbla ma' dik kurrenti;

o

o o

55.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.

(4)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.

(5)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.

(6)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.

(7)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(8)  Testi adottati, P8_TA(2017)0053.

(9)  Testi adottati, P8_TA(2016)0321.

(10)  ĠU C 101, 16.3.2018, p. 111.

(11)  ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.

(12)  ĠU C 353, 27.9.2016, p. 27.

(13)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 bit-titolu "Qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari"(COM(2018)0029).

(14)  "Buying green! – A handbook on green public procurement"(Ixtri b'mod ekoloġiku! - Manwal dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku), it-3 edizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea, 2016.


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/49


P8_TA(2018)0257

Relazzjonijiet UE-NATO

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO (2017/2276(INI))

(2020/C 28/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona,

wara li kkunsidra t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tat-28 ta' Ġunju 2016, tal-15 ta' Diċembru 2016, tad-9 ta' Marzu 2017, tat-22 ta' Ġunju u tal-15 ta' Diċembru 2017,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2015 u tal-14 ta' Novembru 2016 dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, u tas-6 ta' Diċembru 2016 dwar il-kooperazzjoni UE-NATO, tas-6 ta' Marzu, tat-18 ta' Mejju 2017 u tas-17 ta' Lulju 2017 dwar l-Istrateġija Globali tal-UE, u tad-19 ta' Ġunju 2017 u tal-5 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta' proposti approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO tas-6 ta' Diċembru 2016,

wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-8 ta' Lulju 2016 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO, il-ġabra komuni ta' 42 proposta li ġew approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016, u r-rapporti ta' progress tal-14 ta' Ġunju 2017 u tal-5 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll is-sett ġdid ta' 32 proposta li ġew approvati miż-żewġ Kunsilli fil-5 ta' Diċembru 2017,

wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin (inkluża d-difiża), li saru fit-13 ta' Novembru 2017 u fis-6 ta' Marzu 2018, li jirrigwardaw speċifikament il-kooperazzjoni UE-NATO,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (COM(2016)0950),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tal-10 ta' Novembru 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Intejbu l-Mobbiltà Militari fl-Unjoni Ewropea"(JOIN(2017)0041) u l-Pjan ta' Azzjoni assoċjat ippreżentat f'Marzu 2018 (JOIN(2018)0005),

wara li kkunsidra l-pakkett għad-difiża ppreżentat mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ġunju 2017,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO għall-2017, maħruġ fil-15 ta' Marzu 2018,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni Nru 439 tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO (NATO PA) tad-9 ta' Ottubru 2017 dwar il-kooperazzjoni aktar mill-qrib UE-NATO,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni Nru 440 tan-NATO AP tad-9 ta' Ottubru 2017 dwar il-bażi industrijali tad-difiża Ewropea,

wara li kkunsidra r-rapport tat-8 ta' Ottubru 2017 tal-Kumitat għad-Difiża u s-Sigurtà tan-NATO AP dwar il-kooperazzjoni UE-NATO wara Varsavja, inkluż l-anness tiegħu b'kontribut tal-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar, "L-UE f'ambjent globali jinbidel – dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa" (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 u tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 u tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar "L-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Trattat ta' Lisbona (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0188/2018),

A.

billi l-valuri tagħna, bħad-demokrazija liberali, il-multilateraliżmu, id-drittijiet tal-bniedem, il-paċi, l-iżvilupp u l-istat ta' dritt, li fuqhom huma msejsa l-UE u r-rabta transatlantika, kif ukoll is-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u l-għaqda u l-koeżjoni Ewropea, jinsabu fi żmien fejn qegħdin jaffrontaw kemm sfidi ġeopolitiċi kif ukoll degradazzjoni rapida tal-ambjent strateġiku;

B.

billi ż-żewġ organizzazzjonijiet ewlenin tal-Punent, l-UE u n-NATO, qegħdin iwettqu progress fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħhom sabiex jindirizzaw sfidi, riskji u theddid kumplessi, kemm konvenzjonali kif ukoll ibridi, li joriġinaw minn atturi statali u mhux statali prinċipalment min-Nofsinhar u mil-Lvant; billi l-akkumulazzjoni ta' kriżijiet, li qegħdin jiddestabbilizzaw il-viċinat Ewropew, toħloq kemm theddid intern kif ukoll estern għas-sigurtà; billi l-ebda waħda miż-żewġ organizzazzjonijiet m'għandha l-mezzi kollha biex tindirizza dawn l-isfidi kollha għas-sigurtà waħidha u t-tnejn ikunu f'pożizzjoni aħjar li jindirizzawhom jekk jikkooperaw flimkien; billi l-UE u n-NATO huma indispensabbli sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-Ewropa u taċ-ċittadini tagħha;

C.

billi l-kooperazzjoni UE-NATO m'għandhiex titqies bħala għan fiha nnifisha iżda mezz li bih jinkisbu l-prijoritajiet u l-għanijiet kondiviżi dwar is-sigurtà permezz tal-komplementarjetà tal-missjonijiet u tal-mezzi disponibbli; billi l-Istati Membri tal-UE u l-alleati tan-NATO għandhom ġabra waħda ta' forzi; billi flimkien jistgħu jagħmlu użu effiċjenti mir-riżorsi u jimmobilizzaw b'mod aktar effettiv firxa kbira ta' strumenti eżistenti bħala reazzjoni għall-isfidi għas-sigurtà;

D.

billi n-NATO hija alleanza militari u l-UE mhijiex; billi l-UE hija attur strateġiku globali u tipprovdi sigurtà bil-firxa unika u varjata ta' strumenti u għodod għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tindirizza l-isfidi attwali b'mod komprensiv permezz tad-diversi politiki tagħha; billi, skont l-objettivi u fid-dawl tal-Istrateġija Globali, l-UE qiegħda ssaħħaħ ir-responsabbiltà tagħha għas-sigurtà u d-difiża proprja u r-rwol tagħha bħala sieħeb għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kif ukoll il-kapaċità tagħha li taġixxi b'mod awtonomu, filwaqt li ssaħħaħ ukoll il-kontribut tagħha għan-NATO u trawwem kooperazzjoni msaħħa;

E.

billi n-NATO għandha r-responsabbiltà ewlenija għad-difiża kollettiva tal-membri tagħha; filwaqt li jieħu nota tal-linja gwida tan-NATO sabiex l-alleati jonfqu 2 % tal-PDG tagħhom fuq id-difiża fi żmien għaxar snin sabiex tinżamm kapaċità ta' difiża adatta; billi n-NATO, bħala s-sieħba ewlenija tas-sigurtà tal-UE, għadha garanzija essenzjali għall-interoperabilità tal-kapaċitajiet tal-forzi alleati u għall-koerenza tal-isforzi ta' akkwist tagħhom;

F.

billi l-azzjonijiet tal-UE u tan-NATO għandhom ikunu komplementari fid-dimensjoni tas-sigurtà sabiex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi ġodda, mingħajr preċedent u multidimensjonali għas-sigurtà; billi l-oqsma komuni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet jirrikjedu wkoll kooperazzjoni aktar mill-qrib u effiċjenti;

G.

billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO, li huma involuti fil-ġestjoni tal-kriżijiet, jistgħu jkunu aktar effiċjenti f'din l-attività li kieku kellhom jaġixxu b'mod tassew ikkoordinat u jisfruttaw kemm jistgħu l-għarfien espert u r-riżorsi tagħhom; billi, bħala segwitu għall-Istrateġija Globali tal-UE, l-UE qiegħda ssaħħaħ l-approċċ konġunt tagħha għall-konflitti u l-kriżijiet esterni, kif ukoll tirrispondi għat-theddid u l-isfidi fir-rabta interna-esterna tas-sigurtà b'mezzi ċivili jew militari;

H.

billi waqt is-Summit tan-NATO f'Varsavja fl-2016, l-Alleanza u l-UE indikaw l-oqsma għal kooperazzjoni msaħħa fid-dawl tal-isfidi komuni fil-Lvant u fin-Nofsinhar, inklużi l-ġlieda kontra t-theddid ibridu, it-tisħiħ tar-reżiljenza, il-bini tal-kapaċitajiet ta' difiża, iċ-ċiberdifiża, is-sigurtà marittima u l-eżerċizzji; billi f'Diċembru 2016, 42 miżura għall-avvanz tal-kooperazzjoni NATO-UE f'oqsma maqbula ġew approvati mill-ministri għall-affarijiet barranin tan-NATO u f'Diċembru 2017 intlaħaq qbil dwar aktar oqsma ta' ħidma konġunta;

I.

billi hemm bżonn ta' sħubija UE-NATO fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu, inkluż fil-ġlieda kontra l-misinformazzjoni u d-diżinformazzjoni u t-tqawwija tar-reżiljenza; billi hemm bżonn distinzjoni ċara fir-rigward tal-mandat u l-istrateġiji politiċi taż-żewġ istituzzjonijiet;

J.

billi hemm żieda kbira fl-attivitajiet min-naħa tar-Russja; billi, filwaqt li jippersisti r-riskju ta' dgħufija fir-rabta transatlantika u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE, l-approċċ komuni u strateġiku tagħhom fir-rigward tar-Russja jrid jissaħħaħ; billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO huma mħassba dwar l-imġiba militari aktar assertiva tar-Russja; billi l-manipulazzjoni politika u l-attakki ċibernetiċi huma wkoll sorsi ta' tħassib; billi l-UE rreaġiet għall-indħil tar-Russja fl-affarijiet interni Ewropej bi ksur tad-dritt u n-normi internazzjonali; billi r-reżiljenza hija, u se tibqa', element ewlieni tad-difiża kollettiva;

K.

billi l-Viċinat tan-Nofsinhar qiegħed jiffaċċja instabilità mingħajr preċedent u jirrappreżenta sfida strateġika importanti kemm għall-Istati Membri tal-UE kif ukoll għall-membri tan-NATO, speċjalment dawk li jinsabu fil-fruntiera;

L.

billi l-attakki ċibernetiċi qegħdin isiru dejjem aktar komuni u aktar sofistikati; billi fl-2014 in-NATO stabbiliet iċ-ċiberdifiża bħala parti mill-kompiti ċentrali tal-Alleanza għad-difiża kollettiva u fl-2016 irrikonoxxiet iċ-ċiberspazju bħala dominju operattiv flimkien mal-art, l-ajru u l-baħar; billi l-UE u n-NATO jistgħu jikkomplementaw l-isforzi ta' xulxin; billi għandha tiġi promossa kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà u, f'dan il-qasam irid ikun hemm approċċ ikkoordinat mill-Istati Membri kollha tal-UE;

M.

billi f'Diċembru 2017 in-NATO u l-UE ddeċidew li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu billi primarjament iżidu l-iskambju tal-informazzjoni u jtejbu r-reżiljenza nazzjonali;

N.

billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO jużaw l-istess infrastruttura ta' trasport fl-Ewropa, fattur ċentrali għall-iskjerament rapidu tal-militar, u billi dan l-aħħar il-mobbiltà militari ġiet identifikata bħala prijorità fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet;

O.

billi, skont l-aktar stħarriġ reċenti tal-Pew Research Center, l-appoġġ pubbliku għan-NATO huwa wieħed sod u qiegħed jiżdied fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tan-NATO;

Sħubija aktar sostantiva

1.

Huwa konvint li l-UE u n-NATO għandhom l-istess valuri sabiex jinkisbu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, jiffaċċjaw sfidi strateġiċi simili u, minħabba 22 sħubija sovrastanti tal-membri, għandhom interessi konverġenti fir-rigward tas-sigurtà u tad-difiża, inkluża l-protezzjoni taċ-ċittadini tagħhom kontra kull theddid; iqis li s-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hija fundamentali sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi għas-sigurtà; jissottolinja li l-kooperazzjoni UE-NATO għandha tkun komplementari u tirrispetta l-ispeċifiċitajiet u r-rwoli reċiproċi;

2.

Jissottolinja li l-ftuħ u t-trasparenza bir-rispett sħiħ tal-awtonomija u l-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet, kif ukoll l-inklużività u r-reċiproċità mingħajr preġudizzju għan-natura speċifika tal-politika dwar is-sigurtà u d-difiża ta' kull Stat Membru, huma prinċipji importanti tas-sħubija strateġika UE-NATO; jenfasizza li l-kooperazzjoni ma' Stati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO u membri tan-NATO li mhumiex membri tal-UE hija parti integrali mill-kooperazzjoni UE-NATO;

3.

Huwa konvint li għall-membri tagħha, in-NATO hija l-pedament tad-difiża u d-deterrenza kollettiva fl-Ewropa; huwa konvint ukoll li UE aktar b'saħħitha b'PSDK aktar effettiva, permezz ta' diversi proġetti bejn l-Istati Membri, u li kapaċi tonora d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li permezz tiegħu l-Istati Membri jistgħu jitolbu assistenza, tikkontribwixxi għal NATO aktar b'saħħitha; jissottolinja l-fatt li l-kooperazzjoni UE-NATO trid tikkunsidra wkoll il-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' dawk is-sitt Stati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO u ta' dawk is-seba' membri tan-NATO li mhumiex membri tal-UE;

4.

Jemmen bil-qawwa li r-risponsi effettivi għall-ispettru sħiħ ta' sfidi ta' sigurtà jirrikjedu viżjoni strateġika, adattament strutturali ulterjuri, kif ukoll taħlita ta' strumenti ta' saħħa formali u informali kemm għall-UE kif ukoll għan-NATO; jissottolinja li ż-żmien huwa fattur essenzjali fit-tisħiħ tas-sħubija UE-NATO, meta jitqiesu d-differenzi bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet;

5.

Jinnota li, filwaqt li għandha tiġi żviluppata kultura strateġika komuni Ewropea, il-kisba ta' perċezzjoni komuni għat-theddid ikollha impatt pożittiv; huwa tal-fehma li l-Unjoni jeħtiġilha taħdem biex issaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha; għaldaqstant, jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE biex isibu, f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE, fehim kondiviż tal-ambjent tat-theddid li qiegħed jevolvi u jkomplu bl-isforzi bħat-tgħarrif konġunt, it-taħriġ ta' rispons għall-emerġenzi ċivili u l-valutazzjonijiet kondiviżi tat-theddid; jilqa' l-isforzi reċenti f'dik id-direzzjoni;

6.

Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jirrikonoxxu li r-reazzjonijiet purament nazzjonali għat-terroriżmu u n-nuqqas ta' sigurtà mhumiex biżżejjed, jistennew lill-UE tipproteġihom minn dan it-theddid u li kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NATO tippermetti lill-Istati Membri jkunu aktar komplementari u aktar effettivi;

7.

Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni UE-NATO fuq missjonijiet u operazzjonijiet, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll f'dak tattiku;

8.

Jisħaq li s-sħubija strateġika UE-NATO hija fundamentali wkoll għat-tibdil fil-PSDK tal-UE, u għall-futur tal-Alleanza, kif ukoll għar-relazzjonijiet UE-Renju Unit wara l-Brexit;

9.

Iqis li l-potenzjal tar-relazzjonijiet UE-NATO jista' jiġi sfruttat aktar u li żviluppi u approfondiment ulterjuri tas-sħubija ma għandhomx ikunu limitati għal rispons komuni għall-kriżijiet barra l-Ewropa, partikolarment fil-viċinat, iżda anke għall-kriżijiet fil-kontinent;

10.

Jissottolinja l-bżonn li ssir ħidma konġunta dwar il-prevenzjoni, l-analiżi u t-twissija bikrija permezz ta' kondiviżjoni effettiva tal-informazzjoni bit-tir li t-theddid emerġenti jiġi miġġieled permezz ta' azzjonijiet komuni;

11.

Iqis li d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO u l-azzjonijiet ta' implimentazzjoni sussegwenti jirrappreżentaw fażi ġdida u sostantiva tas-sħubija strateġika; jilqa' r-riżultati tanġibbli fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta, partikolarment fir-rigward tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu, il-komunikazzjonijiet strateġiċi, il-koerenza tar-riżultati fil-proċessi rispettivi tal-ippjanar tad-difiża u l-kooperazzjoni marittima; jinkoraġġixxi aktar progress u jilqa' l-ġabra ġdida ta' azzjonijiet li ġew miżjuda fil-5 ta' Diċembru 2017, b'mod partikolari dawk rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-mobbiltà militari u n-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jilqa' l-bidla fil-kultura ta' involviment kif ukoll il-funzjonament mingħajr xkiel tal-kooperazzjoni bejn il-persunal fl-implimentazzjoni ta' kull azzjoni; itenni li għalkemm il-proċess innifsu huwa rregolat minn istituzzjonijiet, is-suċċess tal-implimentazzjoni ta' għanijiet u azzjonijiet komuni maqbula jiddependi fuq ir-rieda politika kontinwa tal-Istati Membri kollha; jilqa' f'dan il-kuntest l-involviment ukoll tal-Membri kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO u jenfasizza li l-implimentazzjoni b'suċċess tad-Dikjarazzjoni Konġunta tiddependi fuq ir-rieda politika kontinwa tal-Istati Membri kollha; iqis li huwa importanti li jissaħħu kooperazzjoni u djalogu aħjar UE-NATO u li jiġu żgurati rieda politika u riżorsi xierqa għall-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni u t-titjib ulterjuri tal-kooperazzjoni; jistenna b'interess l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni l-ġdida UE-NATO waqt is-Summit tan-NATO fi Brussell fil-11-12 ta' Lulju 2018;

12.

Jinnota t-tgħarrif regolari komuni mwassal mill-VP/RGħ u mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO fil-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE u fil-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NAC) tan-NATO, rispettivament, u l-kontinwazzjoni tal-laqgħat regolari bejn il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u n-NAC;

13.

Jilqa' l-affermazzjoni mill-ġdid tal-impenn mill-Istati Uniti lejn in-NATO u s-sigurtà Ewropea; ifakkar il-fatt li l-UE u l-Istati Uniti huma sħab internazzjonali ewlenin u li din is-sħubija teżisti wkoll permezz tan-NATO; jissottolinja l-valur tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istati Uniti; jemmen bis-sħiħ li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni UE-NATO ssaħħaħ r-rabta transatlantika u li l-kapaċità tan-NATO li twettaq il-missjonijiet tagħha hija marbuta mar-relazzjoni transatlantika; jinnota, għaldaqstant, li l-iżviluppi politiċi reċenti jista' jkollhom impatt fuq is-saħħa tar-relazzjoni transatlantika; jinnota li l-Istati Uniti, li normalment jinkoraġġixxu u jilqgħu l-iżviluppi sostantivi fid-difiża tal-UE, għandhom ikomplu bl-isforzi għal fehim aħjar tal-interessi strateġiċi Ewropej, inkluż fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża Ewropej; jenfasizza li l-isforzi tal-UE biex tikseb awtonomija strateġika jsaħħu l-ambjent tas-sigurtà tal-Alleanza;

14.

Jilqa' l-Enhanced Forward Presence tan-NATO fuq il-fruntiera tal-Lvant tan-NATO; jilqa' l-iskjerament minn NATO ta' erba' gruppi tattiċi multinazzjonali fl-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja, immexxija, rispettivament, mir-Renju Unit, il-Kanada, il-Ġermanja u l-Istati Uniti; iqis li, għas-sigurtà taż-żewġ organizzazzjonijiet, għandha tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni UE-NATO fuq il-fruntiera tal-Lvant u tan-Nofsinhar u li l-penetrazzjoni Russa anke fil-pajjiżi fuq il-fruntiera tal-Lvant, b'mezzi ibridi jew konvenzjonali, għandha tiġi evitata u jkun hemm reżistenza għaliha kif adattat; jissottolinja li l-infrastruttura attwali fl-Ewropa, li hija prinċipalment orjentata lejn il-Punent, għandha tiġi kkomplementata bl-iżvilupp ta' dimensjoni ġdida bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, li tissodisfa r-rekwiżiti tal-mobbiltà militari; jisħaq li l-isforzi dwar il-mobbiltà militari għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u għall-pożizzjoni difensiva tal-Alleanza; iqis li t-toroq, il-pontijiet u l-linji ferrovjarji għandhom jiġu modernizzati sabiex jippermettu l-iskjerament rapidu tal-persunal u t-tagħmir militari;

15.

Jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tat-titjib tal-kapaċitajiet ta' tisħiħ rapidu tan-NATO permezz tat-titjib tal-infrastruttura tal-UE u dik nazzjonali, it-tneħħija tal-ostakli burokratiċi u infrastrutturali għall-moviment rapidu tal-forzi u bl-istazzjonament antiċipat tat-tagħmir u l-provvisti militari, li jtejbu s-sigurtà kollettiva tagħna;

16.

Jilqa' t-tnedija tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO); jisħaq fuq il-potenzjal tagħha li ssaħħaħ il-kontribut tal-UE fi ħdan in-NATO; jemmen li din tista' żżid is-sinerġiji u l-effikaċja, u li huwa pass kruċjali għat-titjib tas-sigurtà u l-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE kif ukoll il-prestazzjoni potenzjali tal-membri Ewropej fin-NATO, u huwa konvint li UE u NATO aktar b'saħħithom isaħħu lil xulxin;

17.

Jenfasizza l-komplementarjetà tal-PESCO għan-NATO u li għandha tkun xprun għal aktar kooperazzjoni UE-NATO fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet billi din tfittex li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE u, b'mod ġenerali, biex il-PSDK issir aktar effikaċi u rilevanti sabiex tirrispondi għall-isfidi attwali tas-sigurtà u ta' dawk militari; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u tal-komunikazzjoni dwar il-PESCO mal-Istati Uniti u ma' membri oħra tan-NATO sabiex jiġu evitati ideat żbaljati;

18.

Jissottolinja li d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO li jmiss għandha tinsisti li l-kapaċitajiet żviluppati fuq livell multinazzjonali mill-Istati Membri tal-UE, inkluż fl-ambitu tal-PESCO, u mill-membri tan-NATO jkunu disponibbli kemm għall-operazzjonijiet tal-UE kif ukoll għal dawk tan-NATO; jenfasizza li d-deċiżjonijiet reċenti mill-UE (Rieżami Annwali Kkoordinat dwar id-Difiża (CARD), PESCO, Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) maħsuba biex jiżguraw li l-Ewropej jieħdu responsabbiltà akbar għas-sigurtà tagħhom, jikkontribwixxu għat-tisħiħ tan-NATO kif ukoll għall-iżgurar ta' kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet transatlantiċi, filwaqt li jitqies l-objettiv li flimkien jindirizzaw l-isfidi komuni għas-sigurtà, jevitaw duplikazzjoni bla bżonn u jiżviluppaw kapaċitajiet ta' difiża koerenti, komplementari u interoperabbli; iqis li l-iżvilupp ta' standards komuni, proċeduri, taħriġ u eżerċizzji għandu jitqies bħala faċilitatur importanti għal kooperazzjoni UE-NATO aktar effiċjenti;

19.

Jinnota li wara l-Brexit, 80 % tal-infiq tan-NATO fid-difiżamhux se jkun mill-UE u li tlieta minn erba' brigati fil-Lvant se jitmexxew minn pajjiżi mhux tal-UE;

20.

Iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO biex jorganizzaw eżerċizzji regolari fil-livell strateġiku bil-parteċipazzjoni tal-mexxejja strateġiċi prinċipali taż-żewġ organizzazzjonijiet; jilqa', f'dan ir-rigward, l-eżerċizzju Estonjan EU CYBRID 2017 fejn, għall-ewwel darba, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO pparteċipa f'eżerċizzju tal-UE;

Oqsma ewlenija ta' Kooperazzjoni

21.

Jinnota li t-theddid għas-sigurtà sar aktar ibridu u anqas konvenzjonali, u li hemm bżonn ta' kooperazzjoni internazzjonali biex jiġi indirizzat dan it-theddid; jistieden lill-UE u lin-NATO jkomplu l-bini ta' reżiljenza u jiżviluppaw għarfien sitwazzjonali kondiviż tat-theddid ibridu; iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO jikkoordinaw il-mekkaniżmi ta' rispons għall-kriżijiet tagħhom sabiex jipprovdu risponsi koerenti għat-theddid ibridu; jilqa' l-inawgurazzjoni konġunta reċenti taċ-Ċentru ta' Eċċellenza Ibrida ibbażata f'Helsinki mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u l-VP/RGħ u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE joħolqu Ċentri ta' Eċċellenza Ibrida abbażi tal-eżempju taċ-ċentru f'Helsinki; jilqa' f'dan ir-rigward, l-eżerċizzji separati iżda paralleli, PACE17 u CMX17, li saru fl-2017 u li permezz tagħhom il-persunal tal-UE u tan-NATO ittestjaw rispettivament il-proċeduri rispettivi tagħhom għall-komunikazzjoni u għall-iskambju ta' informazzjoni matul l-iżvolġiment ta' theddida ibrida fittizja; ifaħħar l-azzjoni konkreta mill-alleati tal-Punent bħala reazzjoni għall-attakk kimiku Russu suspettat fir-Renju Unit;

22.

Iqis li d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO li jmiss għandha tilqa' l-progress li sar u tappella għall-implimentazzjoni prattika tal-proposti kollha adottati miż-żewġ istituzzjonijiet; jemmen li hemm bżonn ta' aktar sforzi rigward l-implimentazzjoni tad-diversi impenji li diġà ttieħdu;

23.

Jemmen, f'dan il-kuntest, li l-inizjattivi biex tissaħħaħ l-Ewropa tad-Difiża għandhom ikunu ta' benefiċċju għaż-żewġ organizzazzjonijiet, li b'hekk jippermetti li l-Istati Membri tal-UE jsaħħu l-awtonomija strateġika tagħhom u jkunu jistgħu jintervjenu flimkien militarment b'mod li jkun kredibbli; ifakkar li dawn l-inizjattivi huma komplementari għal dawk tan-NATO;

24.

Iqis li huwa importanti wkoll li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' inklużività, reċiproċità u rispett sħiħ tal-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet, kif previst fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2017;

25.

Jilqa' l-Eżerċizzju Parallel u Koordinat tal-UE ta' Maniġġar ta' Kriżijiet tal-2017 li kien ta' suċċess u li pprovda pjattaforma utli għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; jistenna b'interess li jeżamina l-esperjenzi misluta kif ukoll il-kontinwazzjoni tal-kooperazzjoni fl-eżerċizzji konġunti bejn l-UE u n-NATO, inkluż l-eżerċizzju mmexxi mill-UE ppjanat fl-2018;

26.

Jinnota li l-proċeduri attwali għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni klassifikata bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet għadhom kumplessi u ineffiċjenti; jikkunsidra li ż-żewġ organizzazzjonijiet jiffaċċjaw sfidi strateġiċi simili u, għaldaqstant, se jiffaċċjaw il-konsegwenzi flimkien; jemmen li – bil-bini ta' fiduċja reċiproka – il-kooperazzjoni fl-iskambju ta' informazzjoni klassifikata u l-analiżi tal-intelligence jridu jitjiebu, inkluż fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza li l-UE se jkollha żżid il-kapaċità tagħha billi tipprovdi aktar persunal tal-UE li jkollu approvazzjoni tas-sigurtà, taħriġ iddedikat għal ħidma fuq informazzjoni klassifikata u investiment f'komunikazzjonijiet siguri; huwa tal-opinjoni li t-trawwim tar-reċiproċità u approċċ ibbażat fuq "ħtieġa għal kondiviżjoni"fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni xierqa jkun ta' benefiċċju wkoll għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet; huwa tal-fehma li l-Valutazzjoni b'mod Parallel u Kkoordinat tal-Intelligence tista' tintuża biex it-theddid ibridu jiġi miġġieled flimkien b'mod aktar effettiv;

27.

Jistieden lill-UE u lin-NATO jsaħħu l-kooperazzjoni ta' bejniethom fir-rigward tal-komunikazzjoni strateġika, inkluż bit-tisħiħ tas-sħubija bejn iċ-Ċentru ta' Eċċellenza għall-Komunikazzjonijiet Strateġiċi tan-NATO u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) diviżjoni StratCom;

28.

Jilqa' ċ-Ċellola ta' Fużjoni l-ġdida tal-UE kontra t-Theddid Ibridu u l-interazzjoni tagħha maċ-Ċellola ta' Analiżi Ibrida tan-NATO fil-kondiviżjoni tal-għarfien sitwazzjonali kif ukoll bl-iskambju tal-analiżi ta' theddid ibridu potenzjali;

29.

Huwa konvint li l-kooperazzjoni kif ukoll l-iskambju u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni huma kruċjali fil-qasam taċ-ċibersigurtà u jirrikonoxxi l-progress li sar f'dan il-qasam; jisħaq fuq il-bżonn li jitjiebu l-prevenzjoni, id-detezzjoni u r-rispons għall-inċidenti ċibernetiċi; jappella liż-żewġ organizzazzjonijiet sabiex jikkoordinaw l-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħhom kif ukoll l-iskambju ta' data relatata maċ-ċiberdifiża, fejn xieraq, biex b'hekk jiġu ffaċilitati l-isforzi ta' intelligence UE-NATO; jinkoraġġixxi lill-UE u lin-NATO jsaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni operattiva u jrawmu l-interoperabbiltà bil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar mezzi, metodi u proċessi, użati għall-attribuzzjoni tal–attakki ċibernetiċi; iqis li ż-żieda fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-UE u n-NATO hija prijorità sabiex tkun possibbli l-identifikazzjoni tas-sorsi responsabbli għall-attakki ċibernetiċi u sabiex jitwettqu l-azzjonijiet legali konsegwenti; iqis li huwa importanti wkoll li jiġu armonizzati l-attivitajiet ta' taħriġ u li jkun hemm kooperazzjoni fir-Riċerka u t-Teknoloġija fid-dominju ċibernetiku; jilqa' l-arranġament bejn l-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters tal-UE u l-Kapaċità ta' Rispons f'Inċidenti relatati mal-Kompjuters tan-NATO; jemmen li fi ħdan il-mandat il-ġdid tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), l-attivitajiet ġodda relatati mal-kooperazzjoni fiċ-ċiberdifiża jistgħu jkunu ta' interess għan-NATO;

30.

Iqis li huwa importanti li tkun żgurata l-komplementarjetà u tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn tal-isforzi għall-bini ta' kapaċità marittima sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà marittima b'mod aktar effiċjenti; jilqa' ż-żieda fil-kooperazzjoni u fil-koordinazzjoni operattivi UE-NATO, inkluża l-kondiviżjoni tal-għarfien tas-sitwazzjoni abbażi tal-esperjenzi miksuba fil-Mediterran u l-Qarn tal-Afrika, biex b'hekk ikun hemm aktar opportunitajiet għal appoġġ loġistiku reċiproku u skambju tal-informazzjoni bejn il-persunal taż-żewġ organizzazzjonijiet dwar l-attivitajiet operattivi, inklużi attivitajiet relatati mal-migrazzjoni irregolari;

31.

Jilqa' l-kooperazzjoni tattika u operattiva msaħħa, inkluż permezz ta' rabtiet diretti bejn tal-Kmand Marittimu Alleat tan-NATO u l-Frontex, kif ukoll bejn l-Operazzjoni Sea Guardian u EUNAVFOR MED Operazzjoni Sophia, li jgħinu lill-UE u l-missjonijiet tagħha sabiex titrażżan il-migrazzjoni irregolari u jiġu miġġielda netwerks ta' traffikar illegali, inkluż it-traffikar illegali tal-armi; jinnota li fuq talba n-NATO tista' tipprovdi appoġġ loġistiku u kapaċitajiet oħrajn bħar-riforniment tal-fjuwil fuq il-baħar kif ukoll appoġġ mediku; jinnota li dan huwa r-riżultat tal-kooperazzjoni UE-NATO, bejn l-Operazzjoni Ocean Shield u EUNAVFOR Operazzjoni Atalanta, fil-ġlieda kontra l-piraterija 'l barra mill-Qarn tal-Afrika;

32.

Jinkoraġġixxi sinerġiji ulterjuri UE-NATO f'dan il-qasam kif ukoll titjib ieħor, partikolarment fil-koordinazzjoni tal-intelligence, tas-sorveljanza u tal-isforzi ta' rikonjizzjoni (ISR);

33.

Itenni li l-inizjattivi tal-UE mmirati għat-tisħiħ tas-sigurtà u tad-difiża Ewropea għandhom jgħinu wkoll biex jiżguraw li dawk l-Istati Membri tal-UE li huma membri tan-NATO jissodisfaw l-impenji tagħhom tan-NATO; iqis li li tkun Stat Membru tal-UE kif ukoll membru tan-NATO m'għandha tkun ta' detriment għal ebda stat; bl-istess mod, jisħaq li dawk l-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO għandu jkollhom obbligi differenti fir-rigward tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża; jisħaq li l-Istati Membri tal-UE għandu jkollhom il-kapaċità jniedu missjonijiet militari awtonomi f'ċirkostanzi meta n-NATO ma tkunx disposta taġixxi jew fejn l-azzjoni tal-UE tkun aktar xierqa;

34.

Jilqa' l-kontinwazzjoni tat-tendenza ta' żieda fl-infiq marbut mad-difiża fost il-membri tan-NATO; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha tal-UE li huma wkoll membri tan-NATO biex jagħmlu progress sostantiv lejn il-kisba ta' 2 % tal-PDG fuq id-difiża, b'20 % jkun fuq tagħmir prinċipali ġdid; iqis li l-Istati Membri tal-UE, impenjati jissodisfaw il-linji gwida tan-NATO dwar l-infiq għad-difiża, għandhom jikkunsidraw l-allokazzjoni ta' somma speċifika, fi ħdan il-linja gwida, ta' 20 % fuq l-akkwist, lejn ir-riċerka u l-iżvilupp sabiex jiggarantixxu li jkun hemm nefqa minima għall-innovazzjoni, li tista' tirriżulta f'teknoloġiji li jintużaw ukoll għas-settur ċivili;

35.

Ifakkar lill-membri fl-appell tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO ta' Varsavja sabiex "jiffaċilitaw industrija tad-difiża aktar b'saħħitha u aktar riċerka fil-qasam tad-difiża"; jemmen bis-sħiħ li l-membri tal-UE u tan-NATO jeħtieġ jikkooperaw u jfittxu sinerġiji dwar it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-bażi teknoloġika u industrijali tagħhom sabiex jirrispondu għall-prijoritajiet tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari permezz tar-rieżami annwali koordinat dwar id-difiża u l-proċess tal-ippjanar tad-difiża tan-NATO; iqis li huwa importanti li kooperazzjoni teknoloġika u industrijali, li tkun effettiva u bilanċjata dwar id-difiża transatlantika, għandha tkun prijorità strateġika għaż-żewġ organizzazzjonijiet; jappoġġa l-miżuri previsti skont l-EDF bħala sosteniment għall-attivitajiet konġunti ta' riċerka u ta' żvilupp tal-kapaċitajiet Ewropej; iqis li impenn akbar fir-rigward tar-riċerka u l-ippjanar tal-kapaċitajiet jista' jwassal għal aktar effiċjenza;

36.

Itenni l-bżonn li tiġi żgurata l-koerenza tal-eżiti u tal-iskedi ta' żmien bejn ir-Rieżami Annwali Koordinat tal-UE dwar id-Difiża, il-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet u l-proċessi rispettivi tan-NATO, bħall-Proċess tal-Ippjanar tad-Difiża tan-NATO; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-inizjattivi multinazzjonali fl-iżvilupp tal-kapaċità kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO jkunu komplementari u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; jissottolinja li l-kapaċitajiet użati fil-PSDK u żviluppati fl-ambitu tal-PESCO jibqgħu proprjetà tal-Istati Membri, li jistgħu jagħmluhom disponibbli wkoll għal oqfsa oħra;

37.

Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu indirizzati, f'kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NATO, l-ostakli fiżiċi u legali għall-moviment veloċi u rapidu tal-persunal u l-assi militari fi ħdan u lil hinn mill-UE sabiex jiġi żgurat, fejn meħtieġ, moviment bla xkiel tat-tagħmir u l-forzi madwar l-Ewropa, inkluża l-utilità tal-infrastruttura kritika bħat-toroq, il-pontijiet u r-rotot ferrovjarji, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni ppreżentat mill-VP/RGħ u l-Kummissjoni abbażi tal-pjan direzzjonali żviluppat fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jfittxu jagħmlu segwitu u jużaw il-momentum miksub s'issa; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kapaċitajiet ta' difiża kompatibbli biex jiġu ffaċilitat l-iskjerament u l-kooperazzjoni madwar l-UE u n-NATO; jirrakkomanda lill-UE u lin-NATO biex jindirizzaw ukoll il-mobbiltà ta' forzi tan-NATO li mhumiex fl-UE fi ħdan it-territorju Ewropew;

38.

Iqis li l-UE u n-NATO għandhom jaħdmu aktar biex iqawwu r-reżiljenza, id-difiża u s-sigurtà tal-ġirien u tas-sħab taż-żewġ organizzazzjonijiet; jappoġġa bil-qawwa l-fatt li l-assistenza lill-pajjiżi ġirien u sħab għall-bini tal-kapaċitajiet tagħhom u għat-trawwim tar-reżiljenza, inklużi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-komunikazzjoni strateġika, iċ-ċiberdifiża, il-ħżin ta' munizzjon u r-riforma tas-settur tas-sigurtà, huma objettiv komuni, partikolarment fi tliet pajjiżi pilota (il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Moldova u t-Tuneżija);

39.

Ifakkar li huwa fl-interess kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO biex jindirizzaw kwistjonijiet ta' sigurtà kemm fil-Balkani tal-Punent kif ukoll fil-Viċinat tal-UE u jikkooperaw f'ċerti oqsma partikolari; jilqa' l-isforzi tal-UE u tan-NATO biex jipprovdu appoġġ politiku u prattiku lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar; jissuġġerixxi li l-Istati Membri tal-UE jkomplu b'dawn l-isforzi sabiex jiżguraw kontinwazzjoni tal-iżvilupp demokratiku u tar-riforma tas-settur tas-sigurtà; jissottolinja li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hija kruċjali biex jiġi indirizzat it-theddid għas-sigurtà tal-kontinent kollu;

40.

Jisħaq fuq l-importanza tal-prinċipji minquxa fid-Dokument ta' Vjenna, b'mod partikolari l-prinċipju tal-aċċess miftuħ u t-trasparenza; jilqa' f'dan ir-rigward l-aċċess miftuħ li għandhom l-osservaturi internazzjonali għall-eżerċizzji militari u l-eżerċizzji konġunti tal-UE u tan-NATO;

41.

Itenni r-rwol importanti tan-nisa fil-missjonijiet tal-PSDK u tan-NATO, b'mod partikolari fit-trattament tan-nisa u t-tfal fiż-żoni ta' kunflitt; jilqa' l-fatt li kemm l-UE kif ukoll in-NATO għarfu dan ir-rwol importanti; jirrakkomanda li l-UE u n-NATO jippromwovu b'mod proattiv d-diversità bejn il-ġeneri fl-istrutturi u fl-operazzjonijiet tagħhom;

42.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tiżgura relazzjoni mill-qrib fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża mar-Renju Unit wara l-Brexit, b'rikonoxximent li r-Renju Unit jibqa' kontributur ewlieni għad-difiża Ewropea kemm bħala membru tan-NATO kif ukoll bħala nazzjon Ewropew, filwaqt li ma jibqax aktar membru tal-UE;

o

o o

43.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma ta' sigurtà u ta' difiża, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO.

(1)  ĠU C 58, 15.2.2018, p. 109.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0435.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0440 u P8_TA(2017)0492.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2016)0503 u P8_TA(2017)0493.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2017)0092.


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/57


P8_TA(2018)0258

Ċiberdifiża

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar iċ-ċiberdifiża (2018/2004(INI))

(2020/C 28/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra d-dokument bit-titlu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tal-15 ta' Diċembru 2016, tad-9 ta' Marzu 2017, tat-22 ta' Ġunju 2017, tal-20 ta' Novembru 2017 u tal-15 ta' Diċembru 2017,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titlu "Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tad-Difiża Ewropea"(COM(2017)0315),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titlu "It-Tnedija tal-Fond Ewropew għad-Difiża"(COM(2017)0295),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (COM(2016)0950),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-7 ta' Frar 2013 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija ta' Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur(JOIN(2013)0001),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 bit-titlu "Valutazzjoni tal-Istrateġija tal-UE tal-2013 dwar iċ-Ċibersigurtà"(SWD(2017)0295),

wara li kkunsidra l-Qafas ta' Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża tat-18 ta' Novembru 2014,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2015 dwar id-diplomazija diġitali,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar qafas għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi ("għodda tad-diplomazija diġitali"),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-13 ta' Settembru 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Reżiljenza, Deterrenza u Difiża: Il-Bini ta' ċibersigurtà b'saħħitha għall-UE (JOIN(2017)0450),

wara li kkunsidra r-rapport "Tallinn Manual 2.0 on the International Law Applicable to Cyber Operations" (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (2),

wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kummissjoni Globali dwar l-Istabbiltà taċ-Ċiberspazju,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2015 bit-titlu "L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà"(COM(2015)0185),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-6 ta' April 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titlu "'Qafas konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu: reazzjoni tal-Unjoni Ewropea"(JOIN(2016)0018),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità (3),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tat-8 ta' Lulju 2016, għall-ġabriet komuni ta' proposti għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta approvati mill-Kunsill tal-UE u l-Kunsill tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016 u fil-5 ta' Diċembru 2017, u għar-rapport ta' progress fuq l-implimentazzjoni tagħhom fl-14 ta' Ġunju 2017 u fil-5 ta' Diċembru 2017,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberdifiża (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża (5),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2017 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ENISA, ‘l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà’, u li tħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013, u li tikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (‘l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà’) (COM(2017)0477),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) (7),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0189/2018),

A.

billi l-isfidi, it-theddidiet u l-attakki ċibernetiċi u ibridi jikkostitwixxu theddida ewlenija għas-sigurtà, id-difiża, l-istabbiltà u l-kompetittività tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u taċ-ċittadini tagħha; billi ċ-ċiberdifiża tinkorpora b'mod ċar kemm dimensjonijiet militari kif ukoll dimensjonijiet ċivili;

B.

billi l-UE u l-Istati Membri qed jiffaċċjaw theddida mingħajr preċedent fil-forma ta' ċiberattakki politikament motivati u sostnuta minn stat, kif ukoll kriminalità u terroriżmu ċibernetiċi;

C.

billi ċ-ċiberspazju qed jiġi rikonoxxut b'mod wiesa' mill-militar bħala l-ħames qasam operazzjonali, b'mod li jippermetti l-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' ċiberdifiża; billi qed jiġu organizzati dibattiti dwar jekk iċ-ċiberspazju għandux jiġi rikonoxxut bħala l-ħames qasam ta' gwerra;

D.

billi l-klawżola ta' difiża reċiproka, l-Artikolu 42(7) tat-TUE, tipprevedi obbligu reċiproku ta' għajnuna u assistenza bil-mezzi kollha ta' poter f'każ ta' aggressjoni armata fuq territorju ta' Stat Membru; billi dan m'għandux jippreġudika l-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri; billi l-klawżola ta' solidarjetà, l-Artikolu 222 tat-TFUE, tikkomplementa l-klawżola ta' difiża reċiproka billi tipprevedi li l-pajjiżi tal-UE huma obbligati li jaġixxu b'mod konġunt meta pajjiż tal-UE jkun il-vittma ta' attakk terroristiku jew ta' diżastru naturali jew diżastru kkaġunat mill-bniedem; billi l-klawżola ta' solidarjetà timplika l-użu ta' strutturi kemm ċivili u kemm militari;

E.

billi filwaqt li ċ-ċiberdifiża għadha kompetenza ewlenija tal-Istati Membri, l-UE għandha rwol essenzjali x'taqdi biex tipprovdi pjattaforma għal kooperazzjoni Ewropea u biex tiżgura li dawn l-isforzi ġodda jiġu kkoordinati mill-qrib f'livell internazzjonali u fi ħdan l-arkitettura tas-sigurtà trans-Atlantika mill-bidu, sabiex jiġu evitati d-diskrepanzi u l-ineffiċjenzi li huma karatteristika ta' bosta sforzi tradizzjonali dwar id-difiża; billi jeħtieġ li nwettqu aktar milli ntejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tagħna; billi jeħtiġilna niżguraw il-prevenzjoni effettiva billi nqawwu l-kapaċità tal-UE biex tiskopri, tiddefendi u tiskoraġġixxi; billi ċiberdifiża u deterrenza ċibernetika kredibbli huma meħtieġa biex tinkiseb ċibersigurtà effettiva għall-UE filwaqt li jiġi żgurat li dawk l-istati li huma l-inqas imħejjija ma jaqgħux fil-mira ta' ċiberattakki, u billi ċiberdifiża sostanzjali għandha tkun parti neċessarja mill-PSDK u mill-iżvilupp ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża; billi qegħdin f'sitwazzjoni ta' nuqqas permanenti ta' speċjalisti fiċ-ċiberdifiża bi kwalifiki għolja; billi koordinazzjoni mill-qrib fir-rigward tal-protezzjoni tal-forzi armati kontra ċ-ċiberattakki hija parti essenzjali mill-iżvilupp ta' PSDK effettiva;

F.

billi l-Istati Membri tal-UE huma spiss soġġetti għal ċiberattakki mwettqa minn atturi ostili u perikolużi, statali u mhux statali, kontra miri ċivili jew militari; billi l-vulnerabbiltà kurrenti hija prinċipalment minħabba l-frammentazzjoni ta' strateġiji u kapaċitajiet tad-difiża Ewropej, li jippermettu lil aġenziji ta' intelligence barranin ripetutament jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet tas-sigurtà tas-sistemi tal-IT u tan-netwerks essenzjali għas-sigurtà Ewropea; billi l-gvernijiet tal-Istati Membri spiss naqsu milli jinfurmaw lil partijiet ikkonċernati rilevanti fil-ħin biex ikunu jistgħu jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet fil-prodotti u s-servizzi tagħhom; billi dawn l-attakki jirrikjedu tisħiħ urġenti u li jiġu żviluppati kapaċitajiet offensivi u difensivi Ewropej fil-livelli ċivili u militari sabiex jiġi evitat l-impatt ekonomiku u soċjetali transfruntier possibbli taċ-ċiberinċidenti;

G.

billi fiċ-ċiberspazju l-konfini bejn l-interferenza ċivili u dik militari mhumiex ċari;

H.

billi bosta ċiberinċidenti jkunu saru possibbli minħabba n-nuqqas ta' reżiljenza u solidità tal-infrastruttura tan-netwerks privati u pubbliċi, minħabba bażijiet tad-data bi protezzjoni jew sigurtà skarsa u minħabba lakuni oħra fl-infrastruttura ta' informazzjoni kritika; billi huma biss ftit dawk l-Istati Membri li jieħdu r-responsabbiltà għall-protezzjoni tan-netwerk u s-sistemi ta' informazzjoni tagħhom, u tad-data assoċjata, bħala parti mid-dmir ta' diliġenza rispettiv tagħhom, fatt li jispjega n-nuqqas ġenerali ta' investimenti f'taħriġ u fl-aktar teknoloġija ta' sigurtà moderna, u fl-iżvilupp ta' linji gwida xierqa;

I.

billi d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data huma stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u fl-Artikolu 16 tat-TFUE, u huma rregolati mir-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data, li daħal fis-seħħ fil-25 ta' Mejju 2018;

J.

billi ċiberpolitika attiva u effiċjenti hija waħda li hi kapaċi tiskoraġġixxi l-għedewwa kif ukoll li tfixkel il-kapaċitajiet tagħhom u tantiċipa u tiddegrada l-kapaċità tagħhom li jattakkaw;

K.

billi diversi gruppi u organizzazzjonijiet terroristiċi jużaw iċ-ċiberspazju bħala għodda rħisa għar-reklutaġġ, ir-radikalizzazzjoni u t-tixrid ta' propoganda terroristika; billi l-gruppi terroristiċi, l-atturi mhux statali u n-netwerks kriminali transnazzjonali jużaw operazzjonijiet ċibernetiċi biex jiġġeneraw fondi b'mod anonimu, jiġbru intelligence u jiżviluppaw armi ċibernetiċi ħalli jwettqu kampanji ta' terrur ċibernetiku, ifixklu, jagħmlu ħsara jew jeqirdu infrastruttura kritika, jattakkaw sistemi finanzjarji u jwettqu attivitajiet oħra illegali b'implikazzjonijiet rilevanti għas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej;

L.

billi d-deterrenza ċibernetika u ċ-ċiberdifiża tal-forzi armati u tal-infrastrutturi kritiċi tal-Ewropa saru kwistjonijiet kritiċi f'dibattiti dwar il-modernizzazzjoni tad-difiża, l-isforzi komuni tal-Ewropa dwar id-difiża, l-iżvilupp futur tal-forzi armati u l-operazzjonijiet tagħhom, u t-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea;

M.

billi bosta Stati Membri investew sostanzjalment fit-twaqqif ta' kmandi ċibernetiċi b'għadd adegwat ta' persunal sabiex jintlaħqu dawn l-isfidi ġodda u jtejbu r-reżiljenza ċibernetika tagħhom, iżda jeħtieġ li jsir ħafna iktar hekk kif qed issir aktar u aktar diffiċli li ċ-ċiberattakki jiġi miġġielda fil-livell tal-Istati Membri; billi l-kmandi ċibernetiċi tal-Istati Membri rispettivi jvarjaw fil-mandati offensivi u difensivi tagħhom; billi strutturi oħra ta' ċiberdifiża jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri u spiss jibqgħu frammentati; billi ċ-ċiberdifiża u d-deterrenza ċibernetika huma attivitajiet li l-aħjar jiġu indirizzati permezz ta' kooperazzjoni fil-livell Ewropew u f'koordinazzjoni mas-sħab u l-alleati tagħna, billi l-qasam operazzjonali tagħhom la jagħraf konfini nazzjonali u lanqas dawk organizzattivi; billi ċ-ċibersigurtà militari u dik ċivili huma relatati mill-qrib, u billi għalhekk jeħtieġ aktar sinerġija bejn l-ispeċjalisti ċivili u militari; billi kumpaniji privati għandhom għarfien espert sostanzjali f'dan il-qasam, b'mod li jqajjem mistoqsijiet fundamentali dwar il-governanza u s-sigurtà, u dwar il-kapaċità tal-Istati biex jiddefendu liċ-ċittadini tagħhom;

N.

billi hemm bżonn urġenti li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-UE fil-qasam taċ-ċiberdifiża minħabba n-nuqqas ta' rispons f'waqtu għax-xenarju dejjem jinbidel taċ-ċibersigurtà; billi rispons rapidu u tħejjija xierqa huma elementi ewlenin sabiex tiġi żgurata s-sigurtà f'dan il-qasam;

O.

billi kemm il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) kif ukoll il-Fond Ewropew għad-Difiża huma inizjattivi ġodda bi skop neċessarju li jrawmu ekosistema li tista' tipprovdi opportunitajiet għall-SMEs u għall-kumpaniji ġodda, u li jiffaċilitaw proġetti ta' kooperazzjoni fil-qasam taċ-ċiberdifiża, u t-tnejn li huma se jikkontribwixxu biex isawru l-qafas regolatorju u istituzzjonali;

P.

billi l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-PESCO impenjaw ruħhom li jiżguraw li l-isforzi ta' kooperazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża – bħall-qsim ta' informazzjoni, it-taħriġ u l-appoġġ operazzjonali – se jkomplu jiżdiedu;

Q.

billi fost is-sbatax-il proġett magħżula għall-PESCO, żewġ proġetti jirrigwardaw il-qasam taċ-ċiberdifiża;

R.

billi l-Fond Ewropew għad-Difiża jeħtieġ li jappoġġja l-kompetittività u l-kapaċità ta' innovazzjoni globali tal-industrija tad-difiża Ewropea, billi jinvesti f'teknoloġiji diġitali u ċibernetiċi, kif ukoll li jiffaċilita l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet intelliġenti billi jipprovdi opportunitajiet għall-SMEs u kumpaniji ġodda sabiex jieħdu sehem f'dan l-isforz;

S.

billi l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) varat għadd ta' proġetti biex tissodisfa l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom ta' ċiberdifiża, inklużi proġetti dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ bħall-Pjattaforma ta' Koordinazzjoni għat-Taħriġ u l-Eżerċizzji dwar iċ-Ċiberdifiża (CD TEXP), Akkomunament tat-Talbiet għal appoġġ relatat mat-Taħriġ u l-Eżerċizzji dwar iċ-Ċiberdifiża mis-settur privat (DePoCyTE) u l-proġett dwar iċ-Ċiberspazji ta' Taħriġ;

T.

billi bħalissa għaddejjin proġetti oħra tal-UE dwar l-għarfien tas-sitwazzjoni, id-detezzjoni tal-malware u l-qsim tal-informazzjoni (il-Pjattaforma għall-Qsim ta' Informazzjoni dwar il-Malware (MISP) u s-Sistema b'Diversi Aġenti għall-Identifikazzjoni Avvanzata ta' Theddidiet Persistenti (MASFAD));

U.

billi l-bini tal-kapaċità u l-ħtiġijiet ta' taħriġ fil-qasam taċ-ċiberdifiża huma sostanzjali u qegħdin jiżdiedu, u billi l-aktar mod effikaċi biex dawn jintlaħqu huwa permezz ta' kooperazzjoni fil-livell tal-UE u f'dak tan-NATO;

V.

billi l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, bħall-isforzi organizzattivi moderni kollha, jiddependu bil-bosta fuq sistemi tal-IT li jiffunzjonaw; billi t-theddidiet ċibernetiċi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jistgħu jeżistu f'livelli differenti li jvarjaw mil-livell tattiku (missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK) u livell operazzjonali (netwerks tal-UE) sal-livell usa' tal-infrastruttura globali tal-IT;

W.

billi s-sistemi ta' kmand u kontroll, l-iskambju ta' informazzjoni u l-loġistika jiddependu minn infrastruttura tal-IT kemm klassifikata kif ukoll mhux klassifikata, speċjalment fil-livell tattiku u operattiv; billi dawn is-sistemi huma miri attraenti għal atturi malizzjużi li jfittxu li jattakkaw il-missjonijiet; billi ċ-ċiberattakki jista' jkollhom riperkussjonijiet serji fuq l-infrastruttura tal-UE; billi ċ-ċiberattakki kontra l-infrastruttura tal-enerġija tal-UE, b'mod partikolari, ikollhom riperkussjonijiet serji, u għalhekk jeħtiġilna nitħarsu minnhom;

X.

billi huwa mifhum sewwa li ċ-ċiberdifiża għandha tiġi kkunsidrata b'mod xieraq fl-istadji kollha tal-proċess tal-ippjanar għall-missjonijiet u l-operazzjoni tal-PESK, li tirrikjedi monitoraġġ kontinwu, u li hemm bżonn li kapaċitajiet adegwati jkunu disponibbbli sabiex din tiġi kompletament integrata fl-ippjanar tal-missjonijiet u biex jingħata kontinwament l-appoġġ kritiku meħtieġ;

Y.

billi n-netwerk tal-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (KESD) huwa l-uniku fornitur ta' taħriġ Ewropew għall-istrutturi, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; billi, skont il-pjanijiet kurrenti, ir-rwol tiegħu fil-ġbir tal-kapaċitajiet ta' taħriġ Ewropew fil-qasam ċibernetiku għandu jiżdied b'mod sostanzjali;

Z.

billi d-Dikjarazzjoni tan-NATO tas-Summit ta' Varsavja tal-2016 irrikonoxxiet iċ-ċiberspazju bħala qasam ta' operazzjonijiet li fih in-NATO jeħtiġilha tiddefendi lilha nnifisha bl-istess mod effettiv bħal ma tagħmel fl-ajru, fuq l-art u fil-baħar;

AA.

billi l-UE u n-NATO kkontribwew għat-titjib tal-kapaċitajiet ta' ċiberdifiża tal-Istati Membri, permezz ta' proġetti ta' riċerka b'użu doppju kkoordinati mill-EDA u min-NATO, u għat-titjib tar-reżiljenza ċibernetika tal-Istati Membri, permezz tal-appoġġ mogħti mill-Aġenzija tal-UE dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA);

AB.

billi fl-2014 in-NATO stabbiliet operazzjonijiet taċ-ċibersigurtà bħala parti mid-difiża kollettiva tagħha, u fl-2016 irrikonoxxiet iċ-ċiberspazju bħala qasam operazzjonali flimkien mal-art, l-ajru u l-baħar; billi l-UE u n-NATO huma sħab komplementari fil-bini tal-kapaċitajiet tagħhom ta' reżiljenza ċibernetika u ċiberdifiża; billi ċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża diġà huma wieħed mill-pilastri l-aktar b'saħħithom ta' kooperazzjoni bejn it-tnejn u qasam kritiku fejn it-tnejn li huma għandhom kapaċitajiet uniċi; billi fid-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO tat-8 ta' Lulju 2016, l-UE u n-NATO qablu dwar aġenda wiesgħa ta' kooperazzjoni; billi erbgħa minn 42 proposta għal kooperazzjoni aktar mill-qrib jikkonċernaw iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża, bi proposti ulterjuri mmirati lejn l-indirizzar tat-theddidiet ibridi b'mod aktar ġenerali; billi fil-5 ta' Diċembru 2017 dan ġie kkomplementat bi proposta ulterjuri dwar iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża;

AC.

billi l-Grupp ta' Esperti Governattivi tan-NU dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni (UNGGE) ikkonkluda l-aħħar sensiela tiegħu ta' deliberazzjoni; billi, minkejja li fl-2017 ma kienx f'pożizzjoni li jipproduċi rapport ta' kunsens, japplikaw il-ftehimiet tal-2015 u tal-2013, inkluż ir-rikonoxximent li l-liġi internazzjonali eżistenti, u b'mod partikolari l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, hija applikabbli u hija essenzjali għaż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà, u għall-promozzjoni ta' ambjent tal-ICT miftuħ, sigur, paċifiku u aċċessibbli;

AD.

billi l-qafas li ġie varat reċentement għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi, l-għodda tad-diplomazija diġitali tal-UE – intiża biex tiżviluppa l-kapaċitajiet tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jinfluwenzaw l-imġiba ta' aggressuri potenzjali – tipprevedi l-użu ta' miżuri proporzjonati fi ħdan il-PESK, inklużi miżuri restrittivi;

AE.

billi atturi statali differenti – ir-Russja, iċ-Ċina u l-Korea ta' Fuq, fost l-oħrajn, iżda anke atturi mhux statali (inklużi gruppi tal-kriminalità organizzata) ispirati, mikrija jew sostnuti mill-istati, minn aġenziji ta' sigurtà jew minn kumpaniji privati – kienu involuti f'attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi sabiex jilħqu objettivi politiċi, ekonomiċi jew ta' sigurtà, li jinkludu attakki fuq infrastruttura kritika, spjunaġġ ċibernetiku u sorveljanza tal-massa ta' ċittadini tal-UE, billi għenu kampanji ta' diżinformazzjoni u fid-distribuzzjoni ta' malware (WannaCry u NotPetya, eċċ.) hekk li llimitaw l-aċċess għall-internet u l-funzjonament ta' sistemi tal-IT; billi dawn l-attivitajiet jinjoraw u jiksru l-liġi internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali tal-UE filwaqt li jipperikolaw id-demokrazija, is-sigurtà, l-ordni pubbliku u l-awtonomija strateġika tal-UE, u għalhekk għandhom iwasslu għal rispons konġunt tal-UE, billi pereżempju jintuża l-qafas għal rispons konġunt diplomatiku tal-UE, li jinkludi l-użu ta' miżuri restrittivi previsti għall-għodod tad-diplomazija ċibernetika fil-livell tal-UE, bħal fil-każ ta' kumpaniji privati, multi u restrizzjoni tal-aċċess għas-suq intern;

AF.

billi tali attakki fuq skala kbira kontra l-infrastruttura tal-ICT twettqu diversi drabi fil-passat, inkluż fl-Estonja fl-2007, fil-Georgia fl-2008, u fil-preżent kważi kuljum fl-Ukrajna; billi kapaċitajiet ċibernetiċi offensivi qed jintużaw ukoll kontra l-Istati Membri tal-UE u tan-NATO fuq skala mingħajr preċedent;

AG.

billi t-teknoloġiji taċ-ċibersigurtà, rilevanti għall-oqsma militari u ċivili, huma ‘teknoloġiji b'użu doppju’li joffru bosta opportunitajiet sabiex jiġu żviluppati sinerġiji bejn l-atturi ċivili u militari f'għadd ta' oqsma, bħall-kriptaġġ, l-għodda għall-ġestjoni tas-sigurtà u l-vulnerabbiltà, is-sistemi ta' identifikazzjoni u prevenzjoni ta' intrużjoni;

AH.

billi l-iżvilupp ta' teknoloġiji ċibernetiċi matul is-snin li ġejjin se jaffettwa oqsma ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali, l-internet tal-oġġetti, ir-robotika u l-apparati mobbli, u dawn l-elementi kollha jista' jkollhom ukoll diversi implikazzjonijiet relatati mas-sigurtà għall-qasam tad-difiża;

AI.

billi d-dipartimenti ta' kmand ċibernetiċi stabbiliti minn diversi Stati Membri jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali għall-protezzjoni ta' infrastruttura ċivili essenzjali u billi, ta' spiss, l-għarfien relatat maċ-ċiberdifiża huwa wkoll utli fil-qasam ċivili;

Żvilupp tal-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża u taċ-ċiberdeterrenza

1.

Jissottolinja li politika komuni dwar iċ-ċiberdifiża u kapaċità sostanzjali taċ-ċiberdifiża għandhom jikkostitwixxu wieħed mill-elementi ewlenin tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża;

2.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal pakkett taċ-ċibersigurtà sabiex trawwem ir-reżiljenza ċibernetika, iċ-ċiberdeterrenza u ċ-ċiberdifiża tal-UE;

3.

Ifakkar li ċ-ċiberdifiża għandha dimensjonijiet kemm militari u kemm ċivili, u li dan ifisser li jeħtieġ approċċ ta' politika integrata u kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet ikkonċernati militari u ċivili;

4.

Jappella għal żvilupp koerenti ta' kapaċitajiet ċibernetiċi bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE, kif ukoll fl-Istati Membri u li jinstabu soluzzjonijiet politiċi u prattiċi meħtieġa sabiex jingħelbu l-ostakoli politiki, leġiżlattivi u organizzazzjonali li jifdal għall-kooperazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża; iqis l-iskambju u l-kooperazzjoni regolari u mtejba bejn il-partijiet ikkonċernati pubbliċi rilevanti fiċ-ċiberdifiża, fil-livell tal-UE u nazzjonali, bħala kruċjali;

5.

Jenfasizza bis-sħiħ li, fil-qafas tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża emerġenti, il-kapaċitajiet ta' ċiberdifiża tal-Istati Membri għandhom ikunu minn ta' quddiem nett u, kemm jista' jkun, jiġu integrati mill-bidu sabiex tiġi żgurata l-akbar effiċjenza possibbli; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib fl-iżvilupp tad-dipartimenti ċibernetiċi ta' kmand rispettivi tagħhom, billi jużaw pjan direzzjonali ċar, u b'hekk jikkontribwixxu għal proċess ikkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mill-EDA bil-għan li l-istrutturi taċ-ċiberdifiża jiġu ssimplifikati aħjar fost l-Istati Membri, jiġu implimentati b'mod urġenti miżuri disponibbli fuq perjodu ta' żmien qasir u jitrawwem l-iskambju ta' għarfien espert; huwa tal-fehma li għandna niżviluppaw Netwerk Ewropew sigur għall-informazzjoni u l-infrastrutturi kritiċi; jirrikonoxxi li kapaċitajiet ta' attribuzzjoni b'saħħithom huma komponent essenzjali ta' ċiberdifiża u deterrenza ċibernetika effikaċi, u li prevenzjoni effikaċi tirrikjedi l-iżvilupp ta' aktar għarfien espert teknoloġiku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkattru r-riżorsi finanzjarji u personali, b'mod partikolari esperti fiċ-ċiberforensika, sabiex itejbu l-attribuzzjoni taċ-ċiberattakki; jissottolinja li tali kooperazzjoni għandha tiġi implimentata wkoll permezz tat-tisħiħ tal-ENISA;

6.

Jirrikonoxxi li bosta Stati Membri jqisu li l-pussess ta' kapaċitajiet proprji ta' ċiberdifiża huwa fil-qalba tal-istrateġija nazzjonali tas-sigurtà tagħhom u li jikkostitwixxi parti essenzjali tas-sovranità nazzjonali tagħhom; jisħaq, madankollu, li minħabba li ċ-ċiberspazju m'għandux fruntieri, il-livell u l-għarfien rikjesti għal forzi verament komprensivi u effikaċi li jiżguraw li l-għan tal-awtonomija strateġika tal-UE fiċ-ċiberspazju huma lil hinn mill-potenzjal ta' kwalunkwe Stat Membru individwali, u għaldaqstant jirrikjedu rispons intensifikat u koordinat min-naħa tal-Istati Membri kollha fil-livell tal-UE; jinnota, f'dan l-isfond, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jsibu ruħhom taħt pressjoni ta' żmien fir-rigward tal-iżvilupp ta' tali forzi u jeħtieġ li jaġixxu b'mod immedjat; jinnota li minħabba inizjattivi bħas-suq uniku diġitali, l-UE qiegħda f'pożizzjoni tajba biex tokkupa rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' strateġiji Ewropej dwar iċ-ċiberdifiża; itenni li l-iżvilupp taċ-ċiberdifiża fil-livell Ewropew irid jippromwovi l-kapaċità tal-Unjoni biex tħares lilha nfisha; jilqa', f'dan ir-rigward, il-mandat permanenti propost ta' ENISA u r-rwol imsaħħaħ għaliha;

7.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-qafas ipprovdut mill-PESCO u l-Fond Ewropew għad-Difiża meta jipproponu proġetti ta' kooperazzjoni;

8.

Jieħu nota taxoxgħol sfiq li l-UE u l-Istati Membri tagħha wettqu fil-qasam taċ-ċiberdifiża; jinnota b'mod partikolari l-proġetti tal-EDA dwar is-cyber ranges, l-Aġenda Strateġika ta' Riċerka dwar iċ-Ċiberdifiża u l-iżvilupp ta' pakketti ta' għarfien tas-sitwazzjoni ċibernetika li jistgħu jintużaw għall-kwaritieri ġenerali;

9.

Jilqa' ż-żewġ proġetti ċibernetiċi li se jitniedu fil-qafas ta' PESCO, jiġifieri l-Pjattaforma għall-Qsim tal-Informazzjoni dwar it-Theddidiet Ċibernetiċi u r-Rispons għall-Inċidenti u t-Timijiet ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku u Assistenza Reċiproka fiċ-Ċibersigurtà; jenfasizza li dawn iż-żewġ proġetti jiffokaw fuq politika ċibernetika difensiva li tibni fuq il-qsim tal-informazzjoni dwar it-theddidiet ċibernetiċi permezz ta' pjattaforma tal-Istati Membri li topera b'netwerk u l-istabbiliment ta' Timijiet ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku li jippermettu lill-Istati Membri jgħinu lil xulxin sabiex jiżguraw livell għola ta' reżiljenza ċibernetika u sabiex flimkien jidentifikaw, jirrikonoxxu u jimmitigaw theddidiet ċibernetiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq il-proġetti PESCO, fuq it-Timijiet nazzjonali ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku u fuq assistenza reċiproka fiċ-ċibersigurtà, billi jistabbilixxu Tim ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku Ewropew bil-kompitu li jikkoordina, jidentifika u jiġġieled kontra t-theddidiet ċibernetiċi kollettivi b'appoġġ għall-isforzi tal-Istati Membri parteċipanti;

10.

Jinnota li l-kapaċità tal-UE li tiżviluppa proġetti ta' ċiberdifiża hija bbażata fuq il-kompetenza tagħha fl-użu tat-teknoloġiji, tat-tagħmir, tas-servizzi u tad-data u l-ipproċessar tagħha, u fuq id-dipendenza tagħha fuq bażi ta' partijiet ikkonċernati industrijali ta' fiduċja;

11.

Ifakkar li wieħed mill-għanijiet tal-isforz biex titjieb l-omoġeneità tas-sistemi ta' kmand huwa li jiżgura li l-mezzi ta' kmand disponibbli jkunu interoperabbli ma' dawk tal-pajjiżi tan-NATO li mhumiex fl-UE, kif ukoll ma' dawk ta' sħab xierqa, u li jiżgura l-fluwidità tal-iskambju ta' informazzjoni sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu malajr u jinżamm il-kontroll tal-informazzjoni f'kuntest ta' riskju ċebernetiku;

12.

Jirrakkomanda li jinstabu modi li jikkomplementaw il-proġetti tan-NATO dwar Difiża Intelliġenti (pereżempju, l-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet Multinazzjonali ta' Ċiberdifiża, il-Pjattaforma għall-Qsim ta' Informazzjoni dwar il-Malware u l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Multinazzjonali dwar iċ-Ċiberdifiża);

13.

Jirrikonoxxi l-iżviluppi li qed isiru f'oqsma bħan-nanoteknoloġija, l-intelliġenza artifiċjali, il-big data, l-iskart-e u r-robotika avvanzata; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-UE jagħtu attenzjoni partikolari lill-isfruttament possibbli ta' dawn l-oqsma minn atturi statali ostili u minn gruppi tal-kriminalità organizzata; jitlob l-iżvilupp ta' taħriġ u kapaċitajiet immirati lejn il-protezzjoni kontra l-emerġenza ta' skemi kriminali sofistikati bħal frodi kumpless tal-identità u l-falsifikazzjoni tal-oġġetti;

14.

Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar ċarezza terminoloġika dwar is-sigurtà fiċ-ċiberspazju, kif ukoll għal approċċ komprensiv u integrat, u sforzi konġunti, sabiex jiġu miġġielda t-theddidiet ċibernetiċi u ibridi, jiġu identifikati u eliminati r-rifuġji online tal-estremisti u l-kriminali, billi jittejjeb u jiżdied il-qsim tal-informazzjoni bejn l-UE u l-aġenziji tal-UE bħall-Europol, l-Eurojust, l-EDA u l-ENISA;

15.

Jissottolinja r-rwol dejjem akbar tal-intelliġenza artifiċjali kemm fir-reati ċibernetiċi kif ukoll fiċ-ċiberdifiża; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lil dan il-qasam, kemm matul ir-riċerka kif ukoll fl-iżvilupp prattiku tal-kapaċitajiet ta' ċiberdifiża tagħhom;

16.

Jenfasizza bis-sħiħ li, bl-użu ta' vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, kemm jekk ikunu armati jew le, għandhom jittieħdu miżuri addizzjonali sabiex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet ċibernetiċi potenzjali tagħhom;

Ċiberdifiża tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK

17.

Jenfasizza li ċ-ċiberdifiża għandha titqies bħala kompitu operattiv għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, u li għandha tiġi inkluża fil-proċessi kollha ta' ppjanar tal-PSDK sabiex tiġi żgurata li ċ-ċibersigurtà titqies kontinwament fil-proċess kollu tal-ippjanar u b'hekk tnaqqas il-lakuni fil-vulnerabbiltajiet ċibernetiċi;

18.

Jirrikonoxxi li, biex missjoni jew operazzjoni tal-PSDK tiġi ppjanata b'suċċess, hemm bżonn għarfien espert sostanzjali dwar iċ-ċiberdifiża kif ukoll infrastrutturi u netwerks tal-IT sikuri, kemm fir-rigward tal-kwartieri ġenerali operazzjonali kif ukoll fil-missjoni stess, sabiex issir valutazzjoni bir-reqqa tat-theddid u tingħata protezzjoni adegwata fil-qasam; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jipprovdu kwartieri ġenerali għall-operazzjonijiet tal-PSDK sabiex jissaħħaħ l-għarfien espert mogħti lill-missjonijiet u lill-operazzjonijiet tal-UE; jinnota li hemm limitu għal kemm kwalunkwe missjoni fl-ambitu tal-PSDK tista' tiġi ppreparata biex tipproteġi lilha nnifisha minn ċiberattakki;

19.

Jenfasizza li l-ippjanar kollu fir-rigward ta' missjoni jew operazzjoni tal-PSDK jeħtieġ li jkun akkumpanjat b'valutazzjoni bir-reqqa tax-xenarju tat-theddid ċibernetiku; jinnota li t-tassonomija tat-theddidiet (threat taxonomy) imħejjija mill-ENISA tipprovdi mudell xieraq għal tali valutazzjoni; jirrakkomanda l-ħolqien ta' kapaċità ta' valutazzjoni tar-reżiljenza ċibernetika għall-kwartieri ġenerali prinċipali tal-PSDK;

20.

Jirrikonoxxi, b'mod partikolari, l-importanza li l-impronti ċibernetiċi u s-superfiċji ta' attakk tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jinżammu għall-minimu possibbli; iħeġġeġ lill-pjanifikaturi involuti biex iqisu dan sa mill-bidu tal-proċess tal-ippjanar;

21.

Jirrikonoxxi l-Analiżi tal-Ħtiġijiet tat-Taħriġ tal-EDA, li wriet nuqqasijiet kbar fil-ħiliet u l-kompetenzi taċ-ċiberdifiża fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, mhux biss fl-Istati Membri, u jilqa' l-inizjattivi tal-EDA fir-rigward ta' korsijiet għal dawk f'pożizzjonijiet għolja li jieħdu d-deċiżjonijiet fi ħdan l-Istati Membri b'appoġġ għall-ippjanar ta' missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK;

Edukazzjoni u taħriġ dwar iċ-ċiberdifiża

22.

Jinnota li xenarju ssimplifikat tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża jnaqqas it-theddidiet b'mod sinifikanti u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jqawwu l-kooperazzjoni tagħhom fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fl-eżerċizzji;

23.

Jappoġġja bis-sħiħ il-Programm Militari Erasmus u inizjattivi oħra komuni ta' taħriġ u skambju bil-għan li jtejbu l-interoperabbiltà tal-forzi armati tal-Istati Membri u l-iżvilupp ta' kultura strateġika komuni permezz ta' aktar skambju ta' persunal militari żagħżugħ, filwaqt li jqis li tali interoperabbiltà hija meħtieġa fost l-Istati Membri u l-alleati kollha tan-NATO; jemmen, madankollu, li skambji għal taħriġ u edukazzjoni fil-qasam taċ-ċiberdifiża għandhom imorru lil hinn minn din l-inizjattiva u jinkludu persunal militari tal-etajiet kollha u mill-gradi kollha kif ukoll studenti miċ-ċentri akkademiċi kollha ta' studju dwar iċ-ċibersigurtà;

24.

Jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn ta' aktar esperti fil-qasam taċ-ċiberdifiża; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet akkademiċi ċivili u l-akkademji militari biex jitnaqqas dan id-distakk bil-għan li jinħolqu aktar possibbiltajiet fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ dwar iċ-ċiberdifiża, u biex jallokaw aktar riżorsi għal taħriġ operattiv ċibernetiku speċjalizzat dwar l-intelliġenza artifiċjali; jistieden lill-akkademji militari jintegraw fil-kurrikuli tagħhom l-edukazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża, u b'hekk jgħinu biex ikabbru t-talent ċibernetiku disponibbli għall-ħtiġijiet tal-missjoni tal-PSDK;

25.

Jistieden lill-Istati Membri kollha jinfurmaw, iqajmu sensibilizzazzjoni u jagħtu pariri b'mod suffiċjenti u proattiv lill-kumpaniji, lill-iskejjel u liċ-ċittadini dwar iċ-ċibersigurtà u t-theddidiet diġitali ewlenin; jilqa', f'dan ir-rigward, gwidi ċibernetiċi bħala għodda li tiggwida liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet lejn strateġija ta' ċibersigurtà aħjar, tkattar l-għarfien dwar iċ-ċibersigurtà u ttejjeb ir-reżiljenza ċibernetika universalment;

26.

Jinnota li, minħabba l-ħtieġa għal persunal aktar speċjalizzat, l-Istati Membri għandhom jiffokaw mhux biss fuq ir-reklutaġġ ta' persunal kompetenti tal-forzi armati, iżda anke fuq iż-żamma ta' speċjalisti meħtieġa;

27.

Jilqa' l-implimentazzjoni – minn ħdax-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja, in-Netherlands, il-Portugall u l-Iżvezja) tal-proġett Cyber Ranges Federation – tal-ewwel erba' proġetti ta' ċiberdifiża mnedija skont l-aġenda tal-EDA dwar Akkomunament u Kondiviżjoni; jistieden lill-Istati Membri l-oħra jissieħbu f'din l-inizjattiva; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu disponibbiltà reċiproka akbar ta' taħriġ virtwali dwar iċ-ċiberdifiża u ċiberspazji ta' taħriġ; jinnota, f'dan ir-rigward, li r-rwol tal-ENISA u l-għarfien espert tagħha għandhom jiġu kkunsidrati wkoll;

28.

Jemmen li tali inizjattivi jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni fil-qasam taċ-ċiberdifiża fil-livell tal-UE, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' pjattaformi tekniċi estensivi u l-istabbiliment ta' komunità ta' esperti tal-UE; jemmen li l-forzi armati Ewropej jistgħu jwessgħu l-appell tagħhom billi jipprovdu taħriġ komprensiv dwar iċ-ċiberdifiża biex jattiraw u jżommu talent ċibernetiku; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati d-dgħufijiet fis-sistemi tal-kompjuter kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-istituzzjonijiet tal-UE; jirrikonoxxi li l-iżball uman huwa wieħed mid-dgħufijiet identifikati l-aktar ta' spiss fis-sistemi taċ-ċibersigurtà u jitlob, għalhekk, taħriġ regolari kemm tal-persunal militari kif ukoll ċivili li jaħdmu għall-istituzzjonijiet tal-UE;

29.

Jistieden lill-EDA tniedi l-Pjattaforma ta' Koordinazzjoni għal Edukazzjoni, Taħriġ u Eżerċizzji dwar iċ-Ċiberdifiża sabiex tappoġġja s-Cyber Ranges Federation malajr kemm jista' jkun, b'enfasi fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar rekwiżiti armonizzati, it-trawwim tar-riċerka dwar iċ-ċiberdifiża u l-innovazzjonijiet tat-teknoloġija, u tassisti b'mod kollettiv lill-pajjiżi terzi fil-bini tal-kapaċitajiet tagħhom biex joħolqu reżiljenza fiċ-ċiberdifiża; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkomplementaw dawn l-inizjattivi b'ċentru ta' eċċellenza Ewropew iddedikat għat-taħriġ fiċ-ċiberdifiża sabiex jipprovdi taħriġ espert lill-aktar rekluti promettenti, b'appoġġ tat-taħriġ ċibernetiku tal-Istati Membri parteċipanti;

30.

Jilqa' t-twaqqif tal-Pjattaforma għal Edukazzjoni, Taħriġ, Eżerċizzji u Valutazzjoni dwar iċ-Ċiberdifiża(ETEE), fi ħdan il-KESD, bil-għan li jittejbu l-opportunitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni fl-Istati Membri;

31.

Iħeġġeġ aktar skambji ta' sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni permezz ta' eżerċizzji ċibernetiċi ta' stimulazzjoni u koordinazzjoni ta' sforzi rispettivi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet sabiex tinkiseb aktar interoperabbiltà u prevenzjoni u rispons aħjar għal attakki futuri; jitlob li dawn il-proġetti jiġu mwettqa ma' alleati tan-NATO, mal-forzi armati tal-Istati Membri tal-UE u ma' sħab oħra b'esperjenza estensiva fil-ġlieda kontra ċ-ċiberattakki sabiex jiżviluppaw id-disponibbiltà operattiva, proċeduri u standards komuni biex jiffaċċjaw b'mod komprensiv it-theddidiet ċibernetiċi; jilqa', f'dan ir-rigward, l-involviment tal-UE f'eżerċizzji ċibernetiċi bħall-Eżerċizzju ta' Ċiberreat u Ċiberdifiża;

32.

Ifakkar li ċiberspazju reżiljenti jirrikjedi iġjene ċibernetika impekkabbli; jistieden lill-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati jwettqu taħriġ regolari ta' iġjene ċibernetika għall-membri kollha tal-persunal tagħhom;

33.

Jirrakkomanda li jiżdied l-iskambju ta' għarfien espert u ta' tagħlimiet miksuba bejn il-forzi armati, il-forzi tal-pulizija u korpi statali oħra fl-Istati Membri li huma involuti b'mod attiv fil-ġlieda kontra t-theddid ċibernetiku;

Kooperazzjoni UE-NATO dwar iċ-ċiberdifiża

34.

Itenni li, abbażi tal-valuri komuni u l-interessi strateġiċi tagħhom, l-UE u n-NATO għandhom ir-responsabbiltà u l-kapaċità speċjali li jindirizzaw l-isfidi dejjem akbar marbuta maċ-ċibersigurtà u maċ-ċiberdifiża b'mod aktar effiċjenti, u f'kooperazzjoni mill-qrib, billi jħarsu lejn punti komplementari possibbli, jevitaw id-duplikazzjoni u jirrikonoxxu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom;

35.

Jistieden lill-Kunsill, filwaqt li jaħdem ma' istituzzjonijiet u strutturi oħra rilevanti tal-UE, sabiex iqis modi biex, mill-aktar fis possibbli, jipprovdi appoġġ fil-livell tal-Unjoni sabiex il-qasam ċibernetiku jiġi integrat fid-duttrini militari tal-Istati Membri, b'mod armonizzat u f'kooperazzjoni mill-qrib man-NATO;

36.

Jappella għall-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri li diġà ġew miftiehma; jitlob li jiġu identifikati inizjattivi ġodda għal aktar kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, b'kont meħud ukoll tal-possibbiltajiet ta' kooperazzjoni fi ħdan iċ-Ċentru ta' Eċċellenza għaċ-Ċiberdifiża Kooperattiva tan-NATO u l-Akkademja tal-Komunikazzjoni u Informazzjoni tan-NATO, li għandhom l-għan li jqawwu l-kapaċitajiet ta' taħriġ għaċ-ċiberdifiża fis-sistemi tal-IT u fis-sistemi ċibernetiċi, fir-rigward tas-software u tal-hardware; jinnota li dan jista' jinkludi djalogu man-NATO dwar il-possibbiltà li l-UE li tissieħeb fl-Akkademja tal-Komunikazzjoni u Informazzjoni bil-ħsieb li żżid il-komplementarjetà u l-kollaborazzjoni; jilqa' l-ħolqien reċenti taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Theddidiet Ibridi; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u lill-alleati kollha rilevanti sabiex jiddiskutu b'mod regolari l-attivitajiet tagħhom biex jevitaw lakuni u jħeġġu approċċ ikkoordinat lejn iċ-ċiberdifiża; jemmen li huwa kruċjali li, fuq il-bażi ta' fiduċja reċiproka, jiġi stimulat l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku bejn l-Istati Membri u man-NATO;

37.

Jinsab konvint li kooperazzjoni akbar bejn l-UE u n-NATO hija importanti u utli fil-qasam taċ-ċiberdifiża bħala mezz biex tipprevjeni, tidentifika u tiskoraġġixxi ċ-ċiberattakki; jappella, għaldaqstant, liż-żewġ organizzazzjonijiet biex iżidu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni operattivi tagħhom, u jespandu l-isforzi konġunti tagħhom għall-bini ta' kapaċità, b'mod partikolari fis-sura ta' eżerċizzji u taħriġ konġunti għall-persunal ċivili u militari fiċ-ċiberdifiża u permezz tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fi proġetti tan-NATO dwar difiża intelliġenti; iqis li huwa essenzjali li l-UE u n-NATO jintensifikaw il-qsim tal-informazzjoni sabiex jippermettu l-attribuzzjoni formali taċ-ċiberattakki u konsengwentement jippermettu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet restrittivi fuq dawk responsabbli; iħeġġeġ liż-żewġ organizzazzjonijiet sabiex jikkooperaw aktar mill-qrib anke dwar aspetti ċibernetiċi relatati mal-ġestjoni tal-kriżijiet;

38.

Jilqa' l-iskambju ta' kunċetti sabiex ir-rekwiżiti u l-istandards dwar iċ-ċiberdifiża jiġu integrati fl-ippjanar u t-twettiq ta' missjonijiet u operazzjonijiet bil-għan li titrawwem l-interoperabbiltà u jesprimi t-tama li dan se jkun segwit b'aktar kooperazzjoni operattiva sabiex jiġi żgurat l-aspett taċ-ċiberdifiża tal-missjonijiet rispettivi u s-sinkronizzazzjoni ta' approċċi operattivi;

39.

Jilqa' l-arranġament bejn l-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters (CERT-UE) tal-UE u l-Kapaċità ta' Rispons tan-NATO għal Inċidenti relatati mal-Kompjuters, maħsub biex jiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni, l-appoġġ loġistiku, il-valutazzjonijiet tat-theddid komuni, l-akkwist tal-persunal u l-qsim tal-aħjar prattiki, u dan kollu sabiex tiġi żgurata l-abbiltà li jirrispondu għat-theddid f'ħin reali; jisħaq fuq l-importanza li jitħeġġu l-iskambji ta' informazzjoni bejn is-CERT-UE u l-Kapaċità ta' Rispons tan-NATO għal Inċidenti relatati mal-Kompjuters u jsiru sforzi biex jikber il-livell ta' fiduċja; jemmen li hemm suppożizzjoni li l-informazzjoni miżmuma mis-CERT-UE tista' tkun utli għar-riċerka dwar iċ-ċiberdifiża u n-NATO, u li din l-informazzjoni għandha tinqasam, dment li tiġi żgurata konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

40.

Jilqa' l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet f'eżerċizzji taċ-ċiberdifiża; jinnota l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-UE fl-Eżerċizzju annwali dwar il-Koalizzjoni Ċibernetika; jirrikonoxxi l-progress li l-parteċipazzjoni tal-UE – permezz tal-Eżerċizzji Paralleli Kkoordinati (PACE) 17 fl-Eżerċizzju 17 tan-NATO dwar l-Immaniġġar ta' Kriżijiet – tirrappreżenta, u jilqa', b'mod partikolari, l-inklużjoni ta' komponent dwar iċ-ċiberdifiża; iħeġġeġ liż-żewġ organizzazzjonijiet biex jintensifikaw dawn l-isforzi;

41.

Iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO jorganizzaw eżerċizzji regolari fil-livell strateġiku bil-parteċipazzjoni tal-mexxejja strateġiċi prinċipali taż-żewġ organizzazzjonijiet; jilqa', f'dan ir-rigward, l-eżerċizzju Estonjan EU CYBRID 2017 fejn, għall-ewwel darba, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO pparteċipa f'eżerċizzju tal-UE;

42.

Jinnota li hemm lok sostanzjali għal programm ta' kooperazzjoni aktar ambizzjuż u konkret dwar iċ-ċiberdifiża li jmur lil hinn mill-aspett kunċettwali tal-kooperazzjoni fil-kuntest ta' operazzjonijiet speċifiċi; iħeġġeġ liż-żewġ organizzazzjonijiet biex jimplimentaw, fil-prattika u b'mod effettiv dak kollu li diġà jeżisti u biex jippreżentaw proposti aktar ambizzjużi għar-rieżami li jmiss tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta;

43.

Jilqa' s-Sħubija Ċibernetika fl-Industrija tan-NATO, li ġiet stabbilita fl-2014, u jappella għall-involviment tal-UE fi sforzi kooperattivi tas-Sħubija Ċibernetika fl-Industrija tan-NATO bil-ħsieb li jingħaqad l-isforz ta' kooperazzjoni tan-NATO-UE ma' dak tal-mexxejja tal-industrija speċjalizzati f'teknoloġiji ċibernetiċi sabiex tiġi avvanzata ċ-ċibersigurtà permezz ta' kollaborazzjoni kontinwa b'enfasi partikolari fuq: taħriġ, eżerċizzji u edukazzjoni għar-rappreżentanti tan-NATO, tal-UE kif ukoll tal-industrija; L-inklużjoni tal-UE u tal-industrija fi proġetti tan-NATO dwar Difiża Intelliġenti; qsim ta' informazzjoni kollaborattiv u l-aħjar prattiki għal tħejjija u rkupru bejn in-NATO, l-UE u l-industrija; l-eżerċizzju konġunt ta' kapaċitajiet fil-qasam taċ-ċiberdifiża; u rispons kollaborattiv għal ċiberinċidenti meta u fejn xieraq;

44.

Jinnota l-ħidma kontinwa dwar il-Proposta għal Regolament li jirrevedi r-Regolament tal-ENISA ((UE) Nru 526/2013) u jistabbilixxi qafas Ewropew ta' ċertifikazzjoni u tikkettar tas-sigurtà fil-qasam tal-ICT; jistieden lill-ENISA tiffirma ftehim man-NATO biex iżżid il-kooperazzjoni prattika tagħhom, inklużi l-qsim tal-informazzjoni u l-parteċipazzjoni f'eżerċizzji dwar iċ-ċiberdifiża;

Normi internazzjonali applikabbli għaċ-ċiberspazju

45.

Jitlob l-integrazzjoni tal-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża fil-PESK u l-azzjoni esterna tal-UE u l-Istati Membri tagħha bħala kompitu trasversali, u jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib dwar iċ-ċiberdifiża fost l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, in-NATO, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Istati Uniti u sħab strateġiċi oħra, b'mod partikolari fir-rigward ta' regoli, normi u miżuri ta' infurzar fiċ-ċiberspazju;

46.

Jiddispjaċih li, wara diversi xhur ta' negozjati, il-Grupp ta' Esperti Governattivi tan-NU (UNGGE) tal-2016-2017 ma kienx f'pożizzjoni li jipproduċi rapport ta' kunsens ġdid; ifakkar li, kif ġie rikonoxxut fir-rapport tal-2013, il-liġi internazzjonali eżistenti u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti b'mod partikolari – li tipprojbixxi t-theddid jew l-użu tal-forza kontra l-indipendenza politika ta' kwalunkwe stat, inklużi operazzjonijiet ċibernetiċi koerċittivi maħsuba biex ifixklu l-infrastruttura teknika essenzjali għall-iżvolġiment ta' proċeduri parteċipattivi uffiċjali, inklużi l-elezzjonijiet, fi stat ieħor – japplikaw u għandhom jiġu infurzati fiċ-ċiberspazju; jinnota li r-rapport UNGGE tal-2015 jelenka sett ta' normi ta' mġiba responsabbli mill-istat, inkluża l-projbizzjoni li l-istati jwettqu jew jappoġġjaw konxjament l-attivitajiet ċibernetiċi li jmorru kontra l-obbligi tagħhom fl-ambitu tar-regoli internazzjonali; jistieden lill-UE tassumi rwol ta' mexxejja fid-dibattiti kontinwi u futuri dwar normi internazzjonali fiċ-ċiberspazju, u l-implimentazzjoni tagħhom;

47.

Jinnota r-rilevanza tal-Manwal ta' Tallin 2.0 bħala bażi għal dibattitu u bħala analiżi ta' kif il-liġi internazzjonali eżistenti tista' tiġi applikata għaċ-ċiberspazju; jistieden lill-Istati Membri jibdew janalizzaw u japplikaw dak li l-esperti ddikjaraw fil-Manwali ta' Tallinn, u jaqblu dwar aktar normi volontarji ta' mġiba internazzjonali; jinnota, b'mod partikolari, li kwalunkwe użu offensiv tal-kapaċitajiet ċibernetiċi għandu jkun ibbażat fuq il-liġi internazzjonali;

48.

Jikkonferma l-impenn sħiħ tiegħu favur ċiberspazju miftuħ, liberu, stabbli u sigur, li jirrispetta l-valuri fundamentali tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, u fejn it-tilwim internazzjonali jiġi riżolt b'mezzi paċifiċi abbażi tal-Karta tan-NU u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-implimentazzjoni ulterjuri ta' approċċ komuni u komprensiv tal-UE għaċ-ċiberdiplomazija u n-normi ċibernetiċi eżistenti, u jfasslu, flimkien man-NATO, kriterji u definizzjonijiet fil-livell tal-UE ta' dak li jikkostitwixxi ċiberattakk sabiex tittejjeb il-kapaċità tal-UE li tasal malajr għal pożizzjoni komuni wara att internazzjonalment illegali fil-forma ta' ċiberattakk; jappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni tan-normi volontarji u mhux vinkolanti dwar imġiba responsabbli tal-istati fiċ-ċiberspazju li jinsabu fir-rapport UNGGE tal-2015 u li jinkludu r-rispett tal-privatezza u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, u l-ħolqien ta' miżuri għall-bini ta' fiduċja reġjonali; jappoġġja, f'dan il-kuntest, il-ħidma tal-Kummissjoni Globali dwar l-Istabbiltà taċ-Ċiberspazju biex tiżviluppa proposti għal normi u politiki li jtejbu s-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali u jiggwidaw imġiba responsabbli mill-istati u mhux mill-istati fiċ-ċiberspazju; japprova l-proposta li l-atturi statali u mhux statali ma għandhomx iwettqu, jew jippermettu konxjament, attività li tagħmel ħsara b'mod intenzjonat u sostanzjali lid-disponibbiltà jew l-integrità ġenerali tan-nukleu pubbliku tal-internet, u għalhekk l-istabbiltà taċ-ċiberspazju;

49.

Jirrikonoxxi li l-maġġoranza tal-infrastruttura teknoloġika hija proprjetà tas-settur privat jew hija operata minnu, u li l-kooperazzjoni mill-qrib, il-konsultazzjoni, u l-inklużjoni tas-settur privat u tal-gruppi tas-soċjetà ċivili permezz ta' djalogu bejn diversi partijiet ikkonċernati huma għaldaqstant essenzjali sabiex jiġi żgurat ċiberspazju miftuħ, liberu, stabbli u sikur;

50.

Jirrikonoxxi li, minħabba diffikultajiet fl-infurzar, il-ftehimiet bilaterali bejn l-istati mhux dejjem joffru r-riżultati mistennija; iqis, għaldaqstant, li l-ħolqien ta' koalizzjonijiet fi ħdan gruppi ta' pajjiżi b'intenzjonijiet simili li jiġġeneraw kunsens jikkostitwixxi mezz effikaċi li jikkomplementa l-isforzi minn diversi partijiet ikkonċernati; jenfasizza r-rwol importanti li l-awtoritajiet lokali għandhom fil-proċess tal-innovazzjoni teknoloġija u fil-qsim tad-data biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-attivitajiet terroristiċi;

51.

Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tal-qafas għal risponsi diplomatiċi konġunti tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi, l-hekk imsejħa Għodda tad-Diplomazija Diġitali tal-UE; jappoġġja l-possibbiltà għall-UE li tieħu miżuri restrittivi kontra avversarji li jattakkaw lill-Istati Membri tagħha fiċ-ċiberspazju, inkluża l-impożizzjoni possibbli ta' sanzjonijiet;

52.

Jitlob ukoll approċċ proattiv ċar lejn iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża, u t-tisħiħ taċ-ċiberdiplomazija tal-UE bħala kompitu trasversali fil-politika barranija tal-UE u l-kapaċitajiet u l-istrumenti kollha tagħha, sabiex ikunu jistgħu effettivament isaħħu n-normi u l-valuri tal-UE, kif ukoll jgħinu lill-partijiet ikkonċernati jilħqu kunsens b'mod globali dwar ir-regoli, in-normi u l-miżuri ta' infurzar fiċ-ċiberspazju; jinnota li l-bini tar-reżiljenza ċibernetika f'pajjiżi terzi jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, li fl-aħħar mill-aħħar, jagħmel liċ-ċittadini Ewropej aktar sikuri;

53.

Iqis li ċ-ċiberattakki bħal NotPetya u WannaCry huma jew diretti mill-istat jew iseħħu bl-għarfien u l-approvazzjoni ta' Stat; jinnota li dawn iċ-ċiberattakki, li minbarra li jikkawżaw ħsara ekonomika serja u dejjiema u huma ta' theddida għall-ħajja, huma ksur ċar tal-liġi internazzjonali u tan-normi legali; jemmen, għalhekk, li NotPetya u WannaCry jirrappreżentaw ksur tal-liġi internazzjonali kkawżat rispettivament mill-Federazzjoni Russa u mill-Korea ta' Fuq, u li ż-żewġ pajjiżi għandhom jiffaċċjaw risponsi proporzjonati u xierqa mill-UE u min-NATO;

54.

Jitlob li ċ-Ċentru taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol isir punt fokali għal diviżjonijiet tal-infurzar tal-liġi u aġenziji tal-gvern iddedikati għall-kriminalità ċibernetika, li r-responsabbiltà primarja tagħhom tkun li jimmaniġġjaw id-difiża kemm tad-dominji eu. kif ukoll tal-infrastrutturi kritiċi tan-netwerks tal-UE matul attakk; jenfasizza li tali punt fokali għandu jkollu wkoll il-mandat biex jiskambja informazzjoni u jipprovdi assistenza lill-Istati Membri;

55.

Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati normi dwar il-privatezza u s-sigurtà, il-kriptaġġ, id-diskors ta' mibegħda, id-diżinformazzjoni u t-theddid terroristiku;

56.

Jirrakkomanda li kull Stat Membru jħaddan obbligi li jassistu lil kwalunkwe Stat Membru ieħor li jkun taħt ċiberattakk u jiżguraw obbligu ta' rendikont ċibernetiku nazzjonali f'kooperazzjoni mill-qrib man-NATO;

Kooperazzjoni ċivili-militari

57.

Jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jsaħħu s-sħubijiet għat-trasferiment tal-għarfien, jimplimentaw mudelli kummerċjali xierqa u jiżviluppaw fiduċja bejn il-kumpaniji u l-utenti aħħarin fid-difiża u fiċ-ċivil, kif ukoll itejbu t-trasferiment tal-għarfien akkademiku f'soluzzjonijiet prattiċi, sabiex jinħolqu sinerġiji u jiġu ttrasferiti soluzzjonijiet bejn is-swieq ċivili u militari – jiġifieri suq uniku Ewropew għaċ-ċibersigurtà u prodotti ta' ċibersigurtà, abbażi ta' proċeduri trasparenti u b'rispett lejn il-liġi tal-UE u l-liġi internazzjonali, bil-għan li tiġi ppreservata u msaħħa l-awtonomija strateġika tal-UE; jinnota r-rwol ċentrali li d-ditti privati taċ-ċibersigurtà jaqdu fit-twissija bikrija u l-attribuzzjoni taċ-ċiberattakki;

58.

Jenfasizza bis-sħiħ l-importanza tar-R&Ż, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti tas-sigurtà ta' livell għoli fis-suq tad-difiża; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu aktar appoġġ prattiku lill-industrija taċ-ċibersigurtà Ewropea u lil atturi ekonomiċi rilevanti oħrajn, sabiex jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi, b'mod partikolari lill-SMEs u lin-negozji l-ġodda (sorsi ewlenin ta' soluzzjonijiet innovattivi fil-qasam taċ-ċiberdifiża), u jippromwovu kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet ta' riċerka universitarja u atturi ewlenin bil-ħsieb li jitnaqqsu d-dipendenzi fuq prodotti taċ-ċibersigurtà minn sorsi esterni u li tinħoloq katina tal-provvista strateġika fi ħdan l-UE sabiex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha; jinnota, f'dan il-kuntest, il-kontribut siewi li jista' jsir minn strumenti tal-EDF u strumenti oħra taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);

59.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra elementi taċ-ċiberdifiża f'netwerk ta' ċentri Ewropej ta' kompetenza u riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà, anke bil-ħsieb li tipprovdi biżżejjed riżorsi għall-użu doppju tal-kapaċitajiet u t-teknoloġiji ċibernetiċi fi ħdan il-QFP li jmiss;

60.

Jinnota li l-protezzjoni ta' assi ta' infrastruttura kritika pubbliċi u oħrajn ċivili, b'mod partikolari s-sistemi ta' informazzjoni u d-data assoċjata, hija kompitu ta' difiża essenzjali għall-Istati Membri u, speċjalment għall-awtoritajiet inkarigati mis-sigurtà tas-sistemi ta' informazzjoni, u li din għandha tagħmel parti mill-mandat kemm tal-istrutturi taċ-ċiberdifiża nazzjonali kif ukoll mill-mandat ta' dawn l-awtoritajiet; jenfasizza li dan se jirrikjedi livell ta' fiduċja u l-eqreb kooperazzjoni possibbli, bejn l-atturi militari, l-aġenziji taċ-ċiberdifiża, u awtoritajiet rilevanti oħrajn u l-industriji affettwati, li tista' biss tinkiseb billi jiġu definiti b'mod ċar id-dmirijiet, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi ċivili u militari, u jħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jieħdu kont ta' dan fil-proċessi tal-ippjanar tagħhom; jappella għal aktar kooperazzjoni transfruntiera, filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, dwar l-infurzar tal-liġi relatat mal-eliminazzjoni ta' attività li tinvolvi attakk malizzjuż;

61.

Jistieden lill-Istati Membri kollha jiffokaw l-istrateġiji nazzjonali taċ-ċibersigurtà fuq il-protezzjoni tas-sistemi ta' informazzjoni u data assoċjata, u jqisu l-protezzjoni ta' din l-infrastruttura kritika bħala parti mill-obbligu ta' diliġenza rispettiv tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw strateġiji, linji gwida u strumenti li jipprovdu livelli xierqa ta' protezzjoni għal livelli ta' theddid li jistgħu jiġu identifikati b'mod raġonevoli, filwaqt li l-ispejjeż u l-piżijiet tal-protezzjoni għandhom ikunu proporzjonati għad-dannu probabbli għall-partijiet ikkonċernati; jistieden lill-Istati Membri jieħdu passi xierqa biex jobbligaw lill-persuni ġuridiċi, skont il-ġurisdizzjonijiet tagħhom, jipproteġu d-data personali li huma responsabbli għaliha;

62.

Jirrikonoxxi li, minħabba l-ambjent li qed jinbidel tat-theddid ċibernetiku, tista' tiġi rrakkomandata kooperazzjoni aktar b'saħħitha u aktar strutturata mal-forzi tal-pulizija, speċjalment f'xi oqsma kritiċi, pereżempju meta jiġi traċċat theddid taħt titoli bħall-ġiħad ċibernetiku, it-terroriżmu ċibernetiku, ir-radikalizzazzjoni online u l-finanzjament ta' organizzazzjonijiet estremisti jew radikali;

63.

Iħeġġeġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-aġenziji tal-UE bħall-EDA, l-ENISA u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità f'approċċ transsettorjali bil-għan li jiġu promossi s-sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni;

64.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan direzzjonali għal approċċ ikkoordinat fir-rigward taċ-ċiberdifiża Ewropea, inkluż aġġornament tal-Qafas ta' Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża sabiex jiġi żgurat li dan jibqa' utli bħala l-mekkaniżmu ta' politika rilevanti sabiex jintlaħqu l-objettivi fil-qasam taċ-ċiberdifiża tal-UE, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-EDA, il-Parlament u s-SEAE; jinnota li dan il-proċess irid ikun parti minn approċċ ta' strateġija usa' għall-PSDK;

65.

Jitlob għall-ħolqien ta' kapaċità ta' ċibersigurtà permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, kif ukoll edukazzjoni u taħriġ kontinwi fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni ċibernetika, filwaqt li jitqies li fis-snin li ġejjin se jkun hemm miljuni ta' utenti ġodda tal-internet, bil-maġġoranza minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, u b'hekk it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-pajjiżi u s-soċjetajiet fir-rigward tat-theddid ċibernetiku u ibridu;

66.

Jitlob kooperazzjoni internazzjonali u inizjattivi multilaterali sabiex jiġu żviluppati oqfsa strinġenti ta' ċiberdifiża u ta' ċibersigurtà sabiex tingħeleb il-manipulazzjoni tal-Istat imwettqa permezz tal-korruzzjoni, il-frodi finanzjarja, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, u biex jiġu indirizzati l-isfidi kkawżati miċ-ċiberterroriżmu u mill-kriptomuniti u metodi alternattivi oħra ta' ħlasijiet;

67.

Jinnota li ċ-ċiberattakki bħal NotPetya jinfirxu malajr, u b'hekk jikkawżaw ħsara indiskriminata, sakemm ma jkunx hemm reżiljenza mifruxa fuq livell globali; jemmen li t-taħriġ u l-edukazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża għandhom jagħmlu parti mill-azzjoni esterna tal-UE u li l-iżvilupp ta' reżiljenza ċibernetika fil-pajjiżi terzi jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali u fl-aħħar mill-aħħar jagħmel liċ-ċittadini Ewropej aktar sikuri;

Tisħiħ istituzzjonali

68.

Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom f'kooperazzjoni aktar ambizzjuża fil-qasam ċibernetiku fi ħdan il-PESCO; jissuġġerixxi li l-Istati Membri jniedu programm ġdid ta' kooperazzjoni ċibernetika PESCO bil-ħsieb li jappoġġjaw l-ippjanar, il-kmand u l-kontroll rapidi u effikaċi ta' operazzjonijiet u missjonijiet futuri tal-UE; jinnota li għandu jwassal għal koordinazzjoni aħjar tal-kapaċitajiet operattivi fiċ-ċiberspazju, u jista' jwassal għall-iżvilupp ta' dipartiment komuni ta' kmand fir-rigward taċ-ċiberdifiża meta l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi hekk;

69.

Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri u lill-VP/RGħ sabiex jippreżentaw white book tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża; jistieden lill-Istati Membri u lill-VP/RGħ jagħmlu ċ-ċiberdifiża u ċ-ċiberdeterrenza element ewlieni tal-white book, filwaqt li jkopru kemm il-protezzjoni tal-qasam ċibernetiku għall-operazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 43 kif ukoll id-difiża komuni stipulata fl-Artikolu 42(7) tat-TUE;

70.

Jinnota li l-programmi ġodda ta' kooperazzjoni ċibernetika tal-PESCO għandhom jitmexxew kemm minn persunal militari kif ukoll ċivili ta' grad għoli minn kull Stat Membru, fuq bażi ta' rotazzjoni, u jkollhom obbligu ta' rendikont lejn il-ministri tal-UE tad-difiża fil-format tal-PESCO u l-VP/RGħ, sabiex jitrawwem il-prinċipju tal-fiduċja fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE meta jaqsmu l-informazzjoni u l-intelligence;

71.

Itenni t-talba tiegħu sabiex jinħoloq Kunsill tal-UE dwar id-Difiża bbażat fuq il-Bord ta' Tmexxija Ministerjali eżistenti tal-EDA u l-format tal-PESCO tal-ministri tal-UE tad-difiża, sabiex jiġu ggarantiti l-prijoritizzazzjoni, u t-tħaddim tar-riżorsi u l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni effettivi fost l-Istati Membri;

72.

Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Fond tad-Difiża Ewropea jinżamm, jew saħansitra jittejjeb fil-QFP li jmiss, b'baġit suffiċjenti allokat għaċ-ċiberdifiża;

73.

Jitlob żieda fir-riżorsi sabiex jiġu mmodernizzati u ssimplifkati ċ-ċibersigurtà u t-tixrid tal-intelligence bejn is-SEAE/iċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (INTCEN), il-Kunsill u l-Kummissjoni;

Sħubijiet pubbliċi-privati

74.

Jirrikonoxxi l-fatt li l-kumpaniji privati jaqdu rwol essenzjali fil-prevenzjoni, fl-identifikazzjoni, fil-kontroll u fir-rispons għall-inċidenti relatati maċ-ċibersigurtà, mhux biss bħala fornituri tat-teknoloġija iżda anke bħala fornituri tas-servizzi mhux tal-IT;

75.

Jirrikonoxxi r-rwol tas-settur privat fil-prevenzjoni, fl-identifikazzjoni, fil-kontroll u fir-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà, flimkien mar-rwol tiegħu biex jistimula l-innovazzjoni fiċ-ċiberdifiża u jitlob, għalhekk, kooperazzjoni msaħħa mas-settur privat sabiex jiġi żgurat għarfien komuni dwar ir-rekwiżiti u l-assistenza tal-UE u n-NATO fl-għoti tal-għajnuna tagħhom biex jinstabu soluzzjonijiet komuni;

76.

Jistieden lill-UE twettaq rieżami komprensiv tat-tagħmir u tal-infrastruttura tas-software, tal-IT u tal-komunikazzjonijiet użati fl-istituzzjonijiet sabiex jiġu esklużi programmi u apparati potenzjalment perikolużi u jiġu pprojbiti dawk li ġew ikkonfermati bħala malizzjużi, bħal Kaspersky Lab;

o

o o

77.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ), lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma tad-difiża u ċ-ċibersigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1)  Cambridge University Press, Frar 2017, ISBN 9 781 316 822 524, https://doi.org/10.1017/9781316822524.

(2)  ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2017)0366.

(4)  ĠU C 419, 16.12.2015, p. 145.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2016)0435.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2017)0493.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2017)0492.


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/71


P8_TA(2018)0259

Ir-Russja, b'mod partikolari l-każ tal-priġunier politiku Oleg Sentsov

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ tal-priġunier politiku Ukren Oleg Sentsov (2018/2754(RSP))

(2020/C 28/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-priġunieri politiċi Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea (1),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Mejju 2018 mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-każijiet ta' diversi detenuti fil-Krimea u f'Sevastopol, illegalment annessi, jew oriġinarji tagħhom,

wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet dwar ir-Russja fil-Kunsill Affarijiet Barranin tas-16 ta' April 2018,

wara li kkunsidra d-Digriet tad-19 ta' April 2017 tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar it-talba għall-indikazzjoni ta' miżuri provviżorji mressqa mill-Ukrajna fil-kawża li tikkonċerna l-Applikazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (l-Ukrajna vs il-Federazzjoni Russa),

wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn jipprevedu li ħadd ma għandu jkun soġġett għal tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti u li l-Federazzjoni Russa hija parti fihom,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Pajżani fi Żmien ta' Gwerra,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi r-reġista Ukren Oleg Sentsov, li oppona l-annessjoni illegali tal-Peniżola tal-Krimea mir-Russja, f'Mejju 2014 ġie arrestat b'rabta ma' attivitajiet li allegatament wettaq fil-Krimea; billi hu ġie trattat bħala ċittadin Russu minkejja l-fatt li għandu ċittadinanza Ukrena;

B.

billi fil-każ ta' Oleg Sentsov kien hemm allegazzjonijiet ta' tortura u maltrattament sever biex tinkiseb xhieda illegali li sussegwentement ingħatat valur ġuridiku;

C.

billi fil-25 ta' Awwissu 2015 Oleg Sentsov ġie kkundannat minn qorti li l-ġurisdizzjoni tagħha mhijiex rikonoxxuta mill-UE, bi ksur tad-dritt internazzjonali u tal-istandards elementari tal-ġustizzja;

D.

billi Oleg Sentsov, li bħalissa qed jiskonta s-sentenza f'ħabs f'Labytnangi, Yamalo-Nenets, li jinsab fit-tramuntana l-aktar imbiegħda tar-Russja, fl-14 ta' Mejju 2018 ħabbar strajk tal-ġuħ indefinit;

E.

billi f'dawn l-aħħar snin l-għadd ta' priġunieri politiċi fir-Russja żdied b'mod sinifikanti; billi ċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial", li ngħata l-Premju Sakharov fl-2009, fid-29 ta' Mejju 2018 ippubblika lista bl-ismijiet ta' 158 priġunier politiku;

F.

billi Oyub Titiev, id-direttur tal-uffiċċju Ċeċen fiċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial", ġie arrestat mill-pulizija lokali fid-9 ta' Jannar 2018 u akkużat b'pussess ta' droga; billi s-Sur Titiev ċaħad dawn l-akkużi filwaqt li diversi NGOs u difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem skreditawhom bħala vvintati;

G.

billi l-arrest ta' Oyub Titiev jagħmel parti minn xejra inkwetanti li qed twassal biex ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiġu arrestati, attakkati, intimidati u skreditat;

H.

billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-atturi tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari t-Tatari tal-Krimea, ħabbtu wiċċhom ma' theddid, intimidazzjoni u arresti;

I.

billi, f'diversi każijiet, saru rapporti ta' użu tat-tortura u ta' trattament jew pieni krudili u degradanti; billi, sal-lum, dawn l-allegazzjonijiet ma ġewx investigati b'mod xieraq; billi t-tortura ntużat biex jinkisbu stqarrijiet u evidenza falza ta' ħtija;

J.

billi ħafna priġunieri u detenuti ffaċċjaw kundizzjonijiet ħorox u inumani fil-ħabsijiet, b'mod li kkawżalhom dannu fiżiku u riskji psikoloġiċi għal saħħithom; billi hemm priġunieri li jeħtieġu attenzjoni u trattament mediku urġenti;

K.

billi l-leġiżlazzjoni restrittiva Russa li tirregola d-drittijiet politiċi u ċivili ġiet estiża għall-Krimea temporanjament okkupata, bil-konsegwenza li l-libertajiet ta' għaqda, ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni, ta' aċċess għall-informazzjoni u ta' reliġjon sfaw limitati b'mod drastiku, kif ukoll saru rapporti kredibbli ta' intimidazzjoni, għajbien furzat u tortura;

L.

billi l-arresti arbitrarji, l-għajbien furzat, iċ-ċensura u l-projbizzjoni ta' laqgħat paċifiċi saru realtà ta' kuljum fil-Krimea; billi diversi Tatari tal-Krimea ġew arrestati, qed jiġu investigati jew qed jitressqu l-qorti; billi l-avukati mill-Krimea li jipprovdu assistenza legali lill-persuni arrestati, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jirrappurtaw każijiet ta' għajbien furzat politikament motivat fil-Krimea, kif ukoll lill-ġurnalisti li jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni tat-Tatari tal-Krimea, ukoll sfaw fil-mira;

M.

billi l-awtoritajiet li qed jokkupaw il-Krimea sistematikament u deliberatament ikkontrollaw il-libertà tal-kelma fil-Krimea, keċċew lill-midja indipendenti u ħolqu ostakli għall-ħidma ta' ġurnalisti professjonali; billi fit-22 ta' Marzu 2018, ċittadin ġurnalist u attivist Tataru tal-Krimea, Nariman Memedeminov, li kopra l-irregolaritajiet li saru mill-awtoritajiet li qed jokkupaw il-Krimea, inżamm mill-forzi tas-sigurtà Russi u ġie arrestat fuq akkużi infondati; billi fil-21 ta' Mejju 2018, il-forzi tas-sigurtà Russi żammew ċittadin-ġurnalist ieħor, Server Mustafaiev, wara tfittxija fid-dar tiegħu fil-Krimea okkupata mir-Russja, b'mod partikolari għal raġunijiet reliġjużi;

N.

billi r-Russja tilfet għadd sostanzjali ta' kawżi quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u naqset milli timplimenta s-sentenzi mogħtija;

O.

billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u n-Nazzjonijiet Uniti, impenjat ruħha li tħares il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; billi, minħabba l-bosta każijiet ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi f'dawn l-aħħar snin, hemm tħassib serju rigward il-konformità tar-Russja mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali tagħha; billi l-Unjoni Ewropea ripetutament offriet għajnuna u għarfien espert addizzjonali biex tgħin lir-Russja timmodernizza u ssegwi l-ordni kostituzzjonali u ġuridiku tagħha, f'konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa;

P.

billi skont il-ligi Russa dwar "l-aġenti barranin", l-NGOs li jirċievu fondi barranin u li huma impenjati f'xi "attività politika"jridu japplikaw biex ikunu inklużi f'lista speċjali tal-gvern ta' aġenti barranin soġġetti għal skrutinju addizzjonali u mill-qrib min-naħa tal-gvern, u huma mitluba jiddikjaraw fil-pubblikazzjonijiet, fl-istqarrijiet għall-istampa u fir-rapporti kollha tagħhom li dawn kienu magħmula minn aġent barrani;

Q.

billi, b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u għall-gwerra ibrida mnedija mir-Russja kontra l-Ukrajna, l-UE adottat sensiela gradwali ta' miżuri restrittivi kontra r-Russja;

1.

Jitlob li l-awtoritajiet Russi jeħilsu minnufih u bla kundizzjonijiet lil Oleg Sentsov u lil ċittadini Ukreni oħra miżmuma illegalment fir-Russja u fil-peniżola tal-Krimea; ifakkar li attwalment hemm total ta' aktar minn 70 priġunier politiku Ukren (2) fir-Russja u fil-Krimea okkupata;

2.

Jitlob il-ħelsien immedjat u inkondizzjonat ta' Oyub Titiev, Direttur taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial"fir-Repubblika taċ-Ċeċenja, kif ukoll tal-priġunieri politiċi l-oħra kollha fil-Federazzjoni Russa;

3.

Jitlob li l-awtoritajiet Russi jwaqqfu l-intimidazzjoni u l-fastidju fil-konfront taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial", tal-persunal tiegħu u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jippermettulhom iwettqu l-ħidma tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem;

4.

Jissottolinja l-fatt li t-trattament tal-priġunieri kollha jrid jissodisfa l-istandards internazzjonali u li d-detenuti kollha għandu jkollhom aċċess għall-assistenza legali, għall-familji tagħhom, għar-rappreżentanti diplomatiċi tagħhom u għal trattament mediku; jenfasizza li l-awtoritajiet Russi u l-persunal ġudizzjarju għandhom responsabbiltà sħiħa għas-sikurezza u l-benessri tal-persuni miżmuma, speċjalment fil-Krimea, bi qbil mar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra;

5.

Ifakkar lir-Russja fl-importanza li tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi legali internazzjonali tagħha, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u l-prinċipji tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-istat tad-dritt minquxa fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

6.

Jenfasizza li l-libertà ta' għaqda fil-Federazzjoni Russa hi ggarantita mill-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni Russa u mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li r-Russja hi firmatarja tagħha, u allura l-awtoritajiet Russi huma obbligati jirrispettaw din il-libertà;

7.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi fil-livelli kollha jirrikonoxxu r-rwol kruċjali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bħala pilastri tad-demokrazija u gwardjani tal-istat tad-dritt, u jikkundannaw pubblikament l-attakki kollha kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment fir-Repubblika Ċeċena;

8.

Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mar-reġista, attivista u priġunier politiku Oleg Sentsov, li fl-14 ta' Mejju 2018 beda strajk tal-ġuħ biex jagħmel pressjoni favur il-ħelsien tal-kompatrijotti li qed jinżammu illegalment, u jinsab imħasseb dwar l-effetti tal-istrajk tal-ġuħ fuq saħħtu; ifakkar li Sentsov, li ġie arrestat fil-Krimea ftit wara li r-Russja ħadet il-kontroll tal-peniżola tal-Baħar l-Iswed fl-2014 u mbagħad ġie kkundannat abbażi ta' xhieda mogħtija taħt tortura, issa qed jiskonta sentenza ta' 20 sena ħabs fuq diversi akkużi ta' terroriżmu f'ħabs ta' sigurtà kbira fir-reġjun ta' Yamalo-Nenets fit-Tramuntana estrema tar-Russja;

9.

Jiddeplora l-fatt li raġel ieħor li nstab ħati f'dan il-każ, Oleksandr Kolchenko, ġie kkundannat għal għaxar snin ħabs;

10.

Jinnota li ċittadin Ukren ieħor li qed jinżamm illegalment, Volodymyr Balukh, ilu fuq strajk tal-ġuħ mid-19 ta' Marzu 2018;

11.

Jistieden lis-servizzi mediċi u l-awtoritajiet Russi responsabbli jagħtu attenzjoni medika adegwata lil dawn l-individwi arrestati u jirrispettaw l-etika medika, inkluż billi ma jimponux għalf sfurzat jew kwalunkwe trattament mhux mixtieq li jista' jammonta għal tortura u forom oħra ta' maltrattament;

12.

Jesprimi t-tħassib profond tiegħu li ħafna priġunieri politiċi Ukreni, fosthom Mykola Karpiyuk, Volodymyr Prysych, Oleksiy Chirniy u Yevhen Panov, ġew ittorturati serjament;

13.

Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar ix-xejra inkwetanti li qed twassal biex ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fir-Russja, partikolarment fiċ-Ċeċenja, jiġu arrestati, attakkati, intimidati u skreditati; jenfasizza l-importanza tas-soċjetà ċivili u ta' organizzazzjonijiet bħal Memorial, u l-messaġġ li l-attivisti tas-soċjetà ċivili kullimkien jeħtieġ ikunu liberi li jeżerċitaw l-aktar drittijiet bażiċi tagħhom ta' libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni; jistieden lill-awtoritajiet Ċeċeni u Russi jirrispettaw il-leġiżlazzjoni domestika u l-impenji internazzjonali u jiddefendu l-istat tad-dritt;

14.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-klima ta' impunità li tippermetti li dawn l-atti jsiru, u jappella għall-iżvilupp ta' miżuri legali u miżuri oħrajn biex, f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, tiġi evitata u sorveljata din il-vjolenza u jitressaq quddiem il-ġustizzja min iwettaqha; jissottolinja l-fatt li r-Russja u l-Gvern tagħha jġorru r-responsabbiltà aħħarija biex jinvestigaw dawn l-atti, iressqu quddiem il-ġustizzja lil min iwettaqhom u jipproteġu liċ-ċittadini Russi kollha minn kwalunkwe abbuż illegali;

15.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, f'Mejju 2018, l-awtoritajiet Russi fil-Krimea okkupata arrestaw bosta Tatari tal-Krimea, fosthom Sever Mustafayev, Edem Smailov u familjari tal-priġunier politiku Nuri Primov;

16.

Jikkundanna l-ksur tad-dritt internazzjonali min-naħa tar-Russja fil-Krimea okkupata, li jinkludi l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Russa, il-militarizzazzjoni qawwija tal-peniżola tal-Krimea – li jhedded is-sigurtà reġjonali – u l-ksur massiċċ u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fil-konfront tal-Ukreni etniċi u t-Tatari tal-Krimea;

17.

Jilqa' l-ħelsien tal-mexxejja tat-Tatari tal-Krimea Akhtem Chiygoz u Ilmi Umerov, li f'Settembru 2017 ingħataw sentenza ta' ħabs mill-qrati Russi fit-territorju Ukren tal-Krimea okkupat temporanjament, u li fil-25 ta' Ottubru 2017 tħallew iħallu l-peniżola mill-awtoritajiet Russi; jesprimi l-gratitudni tiegħu lil dawk kollha li ħadmu biex jinħelsu, fosthom l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem Russi bħal Memorial;

18.

Ifakkar lill-awtoritajiet Russi li fil-kapaċità de facto tagħhom bħala potenza okkupanti li teżerċita l-kontroll effettiv fuq il-Krimea, għandhom ir-responsabbiltà sħiħa li jaraw li ċ-ċittadini tal-Krimea jkunu mħarsa minn miżuri ġudizzjarji jew amministrattivi arbitrarji u, bl-istess mod, huma obbligati mid-dritt umanitarju internazzjonali li jiżġuraw il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola;

19.

Jenfasizza li l-qrati Russi, sew militari u sew ċivili, mhumiex kompetenti biex jiġġudikaw atti mwettqa barra mit-territorju rikonoxxut internazzjonalment tar-Russja, u jirrimarka li l-proċedimenti ġudizzjarji f'każijiet bħal dawn ma jistgħux jitqiesu leġittimi;

20.

Itenni t-tħassib serju tiegħu b'rabta mal-liġi dwar "l-aġenti barranin"u l-mod li bih qed tiġi implimentata; iqis li d-definizzjoni ta' "attività politika"mwettqa mill-NGOs li jaċċettaw finanzjament barrani tant hi wiesgħa li tippermetti, fil-prattika, kontroll min-naħa tal-gvern fuq kważi kull attività organizzata b'rabta mal-ħajja pubblika;

21.

Iħeġġeġ lir-Russja tiżgura aċċess inkondizzjonat u bla xkiel lill-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u l-missjonijiet ta' monitoraġġ internazzjonali; jistieden lil organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa josservaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea aktar mill-qrib u jieħdu miżuri adegwati;

22.

Jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem iħares b'attenzjoni kontinwa lejn is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea u fiż-żoni tal-Lvant tal-Ukrajna li mhumiex ikkontrollati mill-gvern;

23.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jibqgħu sodi u magħquda fl-impenn tagħhom fir-rigward tas-sanzjonijiet maqbula fil-konfront tar-Russja, itawluhom, u jikkunsidraw miżuri mmirati kontra l-individwi responsabbli miż-żamma u l-proċess ġudizzjarju fil-konfront tal-priġunieri politiċi;

24.

Jissottolinja li huwa importanti li d-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Russja u l-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE jissorveljaw il-proċessi ġudizzjarji tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

25.

Jistieden lill-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), ikomplu jsegwu mill-qrib il-każijiet ta' nonkonformità mal-obbligi legali internazzjonali u jqajmu dawn il-kwistjonijiet f'formati u laqgħat differenti mar-Russja;

26.

Itenni l-appell tiegħu lill-VP/RGħ u lis-SEAE biex jiżguraw li kull każ ta' persuni mressqa l-qorti għal raġunijiet politiċi jitqajjem fil-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja, meta jerġgħu jibdew, u li r-rappreżentanti tar-Russja f'dawn il-konsultazzjonijiet jintalbu jwieġbu formalment dwar kull każ, kif ukoll biex jirrappurtaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet Russi;

27.

Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lis-SEAE jiżguraw li l-Unjoni tfittex kull opportunità biex, fil-limiti imposti mid-dritt domestiku Russu, tkompli tikkollabora mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi – fosthom dawk li jaħdmu għall-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt – u tappoġġjahom;

28.

Jistieden lill-UE toħroġ dikjarazzjoni li fiha tikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u t-tentattiv li jinħeba taħt il-maskra tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA;

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2017)0087.

(2)  Il-lista mhux eżawrjenti tinkludi lil: Teimur Abdullaiev, Uzeir Abdullaiev, Taliat Abdurakhmanov, Rustem Abiltarov, Zevri Abseitov, Muslim Aliiev, Refat Alimov, Kiazim Ametov, Ernes Ametov, Ali Asanov, Marlen Asanov, Volodymyr Balukh, Ali Bariev, Enver Bekirov, Memet Belialov, Oleksii Bessarabov, Rustem Vaitov, Resul Velilyaev, Valentyn Vygovskii, Pavlo Hryb, Mykola Dadeu, Konstatin Davydenko, Bekir Dehermendzhi, Mustafa Dehermendzhi, Emil Dzhemadenov, Arsen Dzhepparov, Dmitrii Dolgopolov, Volodymyr Dudka, Andriy Zakhtei, Ruslan Zeitullaiev, Server Zekiriaiev, Timur Ibragimov, Rustem Ismailov, Yevgenii Karakashev, Mykola Karpiyuk, Stanislav Klykh, Andriy Kolomiiets, Oleksandr Kolchenko, Oleksandr Kostenko, Emir-Usein Kuku, Hennadii Limeshko, Serhii Litvinov, Enver Mamutov, Nariman Memedeminov, Remzi Memetov, Emil Minasov, Igor Movenko, Seiran Muradosilov, Seiran Mustafaiev, Server Mustafaiev, Yevhen Panov, Nuri Primov, Volodymyr Prysych, Ismail Ramazanov, Fevzi Sagandzhi, Ferat Saifullaiev, Aider Saledinov, Seiran Saliiev, Enver Seitosmanov, Oleg Sentsov, Oleksii Sizonovich, Vadym Siruk, Edem Smailov, Oleksandr Steshenko, Oleksii Stohniy, Renat Suleimanov, Anna Sukhonosova, Roman Sushchenko, Roman Ternovsky, Ruslan Ametov, Asan Chapukh, Oleksii Chirnii, Hlib Shablii, Mykola Shiptur, Dmytro Shtyblikov, Oleksandr Shumkov, Viktor Shur.


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/76


P8_TA(2018)0260

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab (2018/2755(RSP))

(2020/C 28/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar il-Bahrain, b'mod partikolari l-każijiet ta' Nabeel Rajab, Abdulhadi al-Khawaja u Ibrahim Sharif (1), tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab (2), tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-Bahrain: il-każ ta' Mohammed Ramadan (3), tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-Bahrain (4), tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Kuwajt u fil-Bahrain (5), u tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar l-indirizzar tat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (6),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tas-17 ta' Ġunju 2015 dwar is-sentenzjar tas-Segretarju Ġenerali ta' Al-Wefaq is-Sur Ali Salman fil-Bahrain, tal-11 ta' Lulju 2017 dwar is-sentenzjar tas-Sur Nabeel Rajab minn qorti tal-Bahrain u tas-6 ta' Ġunju 2018 dwar is-sentenzjar tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem mill-Bahrain is-Sur Nabeel Rajab,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Novembru 2017 tal-President tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-laqgħa tal-grupp ta' ħidma informali tal-UE-Bahrain dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-15 ta' Mejju 2018,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, tal-11 ta' Settembru 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Bahrain,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kumitat tan-NU Kontra t-Tortura tat-12 ta' Mejju 2017,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Bahrain adottata fi Frar 2002, b'mod partikolari l-Kapitolu 3 tagħha, l-Artikolu 364 tal-Kodiċi Kriminali tal-Bahrain u l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal-Bahrain tal-1963,

wara li kkunsidra r-rapport ta' Novembru 2011 tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Bahrain (Bahrain Independent Commission of Inquiry - BICI),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dwar id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi, dwar il-piena tal-mewt, dwar it-tortura, u dwar il-libertà ta' espressjoni online u offline,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tagħhom kollha l-Bahrain huwa pajjiż firmatarju,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fil-5 ta' Ġunju 2018, il-Qorti Għolja tal-Appell tal-Bahrain iddeċidiet li tikkonferma s-sentenza ta' ħames snin ħabs kontra d-difensur ewlieni tad-drittijiet tal-bniedem Nabeel Rajab talli "xerred xnigħat foloz fi żmien ta' gwerra"(Artikolu 133 tal-Kodiċi Kriminali tal-Bahrain), "insulta pajjiż ġar"(Artikolu 215) u "insulta korp statutorju"(Artikolu 216) fir-rigward ta' tweets li huwa bagħat dwar allegata tortura fil-ħabs ta' Jaw fil-Bahrain u l-ħbit mill-ajru fil-Jemen mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija; billi dawn l-akkużi huma bbażati fuq dispożizzjonijiet li jikkriminalizzaw id-dritt ta' espressjoni, li hu protett taħt l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Bahrain irratifika fl-2016; billi s-Sur Rajab issa huwa mistenni li jressaq appell finali quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni tal-Bahrain;

B.

billi s-Sur Rajab kellu jinħeles dan ix-xahar wara li lesta sentenza ta' sentejn ħabs, f'kundizzjonijiet ta' priġunerija degradanti li jammontaw għal trattament ħażin, tal-intervisti televiżivi li huwa ta fl-2015 u fl-2016 dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istampa fil-Bahrain; billi qabel l-arrest arbitrarju tiegħu f'Ġunju 2016 Nabeel Rajab kien ġie pprojbit milli jivvjaġġa u kien serva sentenza ta' sentejn ħabs bejn l-2012 u l-2014 b'rabta mal-fatt li eżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda; billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja ddeċidiet fl-2013 li huwa kien ġie detenut arbitrarjament għar-rwol tiegħu meta kien għen biex jitmexxew u jiġu organizzati dimostrazzjonijiet fil-Bahrain; billi huwa ġie ssoġġettat għal proċessi inġusti quddiem il-qorti;

C.

billi minbarra din is-sentenza ġdida ta' ħames snin, Nabeel Rajab jista' jiffaċċja aktar żmien il-ħabs għal sa 14-il każ ieħor pendenti li l-gvern allegatament għadu jżomm kontrih, inklużi akkużi addizzjonali ta' "tixrid ta' aħbarijiet u dikjarazzjonijiet foloz u xnigħat malizzjużi li jdgħajfu l-prestiġju tal-istat"; Billi, barra minn hekk, fit-12 ta' Settembru 2017, il-gvern akkużah b'"tixrid ta' aħbarijiet foloz", "tixwix għall-mibegħda kontra r-reġim"u "tixwix għan-nonkonformità mal-liġi"fuq il-midja soċjali;

D.

billi s-Sur Rajab sofra b'riżultat tal-kundizzjonijiet ħżiena tal-ħabs, li affettwaw b'mod sever is-saħħa fiżika tiegħu; billi l-familja tiegħu rrappurtaw ukoll li qed jinżamm fiċ-ċella tiegħu għal 23 siegħa kuljum bħala forma ta' kastig, li wassal biex, matul iż-żmien, saħħtu tmur għall-agħar serjament; billi l-amministrazzjoni tal-ħabs allegatament dehret li kienet qed tbagħbas għal t'apposta it-trattament mediku tas-Sur Rajab;

E.

billi l-każ ta' Nabeel Rajab sar simbolu tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rispett għal-libertà ta' espressjoni fil-Bahrain, u l-każ tiegħu jmur kontra l-impenji proprji tal-Gvern tal-Bahrain; billi huwa biss wieħed minn għadd ta' individwi li ġew soġġetti għad-detenzjoni arbitrarja u għall-prosekuzzjoni talli eżerċitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda;

F.

billi f'Mejju 2017 il-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura indirizza l-allegazzjonijiet numerużi u konsistenti ta' prattiki mifruxa ta' tortura u trattament ħażin ta' persuni mċaħħda mil-libertà, b'mod partikolari ta' dawk arrestati taħt akkużi ta' terroriżmu, u esprima t-tħassib profond tiegħu rigward il-każijiet ta' Nabeel Rajab, Abdulhadi al-Khawaja, Naji Fateel, Hussain Jawad, Abdulwahab Hussain u Abduljalil al-Singace;

G.

billi l-eżekuzzjonijiet u s-sentenzjar għall-mewt żdiedu b'mod sinifikanti wara li nkiser il-moratorju ta' seba' snin fi Frar 2017, fost l-allegazzjonijiet li baqgħu jsiru ta' tortura u trattament ħażin; billi l-Bahrain reġa' beda jipproċessa lill-persuni ċivili quddiem qrati militari, wara emenda kostituzzjonali li ġiet adottata f'April 2017; billi l-awtoritajiet taw lura lill-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali s-setgħat ta' arrest u investigazzjoni, minkejja li hija magħrufa għall-preċedenti tagħha ta' tortura u abbuż;

H.

billi s-sitwazzjoni fil-Bahrain saret waħda kritika fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; billi ż-żieda fir-repressjoni fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u fuq l-attivisti paċifiċi ta' oppożizzjoni jinkludi sentenzi ta' ħabs, eżilju, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, ir-revoka taċ-ċittadinanza jew theddidiet u intimidazzjoni severi bħala riżultat tal-ħidma paċifika tagħhom;

I.

billi l-Kunsill tar-Rappreżentanti u l-Kunsill Shura tal-Bahrain approvaw emenda għal-Liġi dwar l-Eżerċizzju tad-Drittijiet Politiċi li se tipprevjeni l-parteċipazzjoni politika indipendenti fl-elezzjonijiet tal-2018;

J.

billi fl-2016, l-akbar soċjetà ta' oppożizzjoni politika tal-Bahrain, l-Al-Wefaq, ġiet sospiża, u kellha l-assi tagħha ffriżati u s-sit web tagħha blukkat fil-Bahrain mir-reġim tal-Bahrain; billi l-kwartieri ġenerali tal-grupp ġew irrejdjati, li wassal biex il-grupp ġie akkużat b'"nuqqas kroniku ta' osservanza tal-kostituzzjoni tar-Renju u kuntestazzjoni tal-leġittimità tagħha"u li "sejjaħ għal indħil barrani", kif ukoll bi "promozzjoni ta' vjolenza u appoġġ għal organizzazzjonijiet terroristiċi";

K.

billi fil-31 ta' Mejju 2017, qorti tal-Bahrain ordnat ix-xoljiment tas-Soċjetà ta' Azzjoni Demokratika Nazzjonali (Waad), grupp ta' oppożizzjoni tal-Bahrain; billi fis-26 ta' Ottubru 2017, il-Qorti ta' Appell Għolja tal-Bahrain ikkonfermat is-sentenza mogħtija mill-qorti tal-appell li ixxolji lill-Waad;

L.

billi fil-15 ta' Mejju 2018 il-Qorti Kriminali Għolja tal-Bahrain irrevokat iċ-ċittadinanza ta' 115-il persuna fost rapporti ta' tortura u abbużi tal-proċess ġust fi proċess tal-massa inġust; billi t-theddida ta' revoka jew ir-revoka attwali taċ-ċittadinanza qed tintuża bħala mezz ta' repressjoni politika; billi bosta individwi fil-Bahrain, prinċipalment mill-komunità Shia tal-popolazzjoni, kellhom iċ-ċittadinanza tagħhom revokata, inklużi tfal, bi ksur dirett tal-Artikolu 15 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

M.

billi mill-protesti tal-2011 'il hawn u wara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Indipendenti tal-Bahrain (BICI), ġew stabbiliti għadd ta' korpi interni biex jimmonitorjaw l-abbużi tal-gvern, iżda mhumiex effikaċi u indipendenti biżżejjed; billi n-nuqqas ta' indipendenza ta' dawn il-korpi allegatament jikkawża nuqqas ta' responsabbiltà fi ħdan il-Gvern u l-forzi tas-sigurtà tal-Bahrain; billi dan rawwem kultura ta' impunità li ddgħajjef it-tentattivi ta' riforma demokratika u sservi biex tkompli tiddestabilizza l-pajjiż;

N.

billi l-UE tqis li l-kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (HRDs) fil-pajjiżi terzi hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha biex jiġu avvanzati d-drittijiet tal-bniedem u jiġi indirizzat b'mod determinat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

1.

Jitlob il-ħelsien immedjat ta' dawk kollha li huma detenuti unikament talli pparteċipaw b'mod paċifiku f'attivitajiet politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem; jappella sabiex jieqfu l-atti kollha ta' vjolenza, fastidju u intimidazzjoni, inkluż fil-livell ġudizzjarju, kif ukoll iċ-ċensura tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi, id-dimostranti, l-atturi tas-soċjetà ċivili u l-qraba tagħhom fi ħdan u barra l-pajjiż mill-awtoritajiet, il-forzi tas-sigurtà u s-servizzi tal-istat; jikkundanna r-repressjoni li għaddejja fuq id-drittijiet demokratiċi fundamentali, partikolarment il-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, il-pluraliżmu politiku, id-dissens paċifiku u l-istat tad-dritt fil-Bahrain;

2.

Jappella għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tas-Sur Rajab, li titwaqqa' kwalunkwe akkuża li fadal kontrih, u li l-awtoritajiet jiżguraw li, sa meta jinħeles tiegħu, hu ma jkunx soġġett għal tortura jew trattament ħażin ieħor u jkollu aċċess regolari għal familtu, għall-avukati tal-għażla tiegħu u għal kura tas-saħħa adegwata; jikkundanna d-detenzjoni ta' Nabeel Rajab, li tikser, fost ħwejjeġ oħra, id-dritt tiegħu għal-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' moviment tiegħu;

3.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jirrispettaw l-obbligi u l-impenji internazzjonali tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jiżguraw ambjent sikur u abilitanti għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-persuni li jikkritikaw lill-awtoritajiet, inkluż fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-2018, li fih id-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika huma ggarantiti; ifakkar lill-Gvern tal-Bahrain fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha irrispettivament mill-fehmiet politiċi, l-affiljazzjoni jew it-twemmin tagħhom;

4.

Jiddeplora l-kundizzjonijiet ħżiena tal-ħabs fil-pajjiż u l-użu tat-tortura min-naħa tal-persunal tas-sigurtà u tal-ħabs tal-Bahrain; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain iżommu lura minn kull tortura, trattament krudil u degradanti tad-detenuti, jinvestigaw bis-sħiħ l-allegazzjonijiet kollha tal-ksur tad-drittijiet bażiċi tal-priġunieri u ta' tortura u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

5.

Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Bahrain li l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra jipprojbixxi l-użu bħala prova fi kwalunkwe proċedura ta' kull dikjarazzjoni li ssir bħala riżultat ta' tortura; jappella għar-ratifika immedjata mill-Bahrain tal-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni Kontra t-Tortura;

6.

Jikkundanna bil-qawwa l-għadd kbir ta' sentenzi tal-mewt li jiġu deċiżi fil-pajjiż u jappella għal moratorju uffiċjali fuq l-eżekuzzjonijiet kollha; jappella għal rieżami tas-sentenzi tal-mewt kollha biex jiġi żgurat li l-proċessi inkwistjoni kienu konformi mal-istandards internazzjonali;

7.

Jistieden lill-awtoritajiet jemendaw il-kostituzzjoni biex itemmu l-użu tal-proċessi militari biex jipproċessaw lill-persuni ċivili;

8.

Jikkundanna t-teħid bil-massa taċ-ċittadinanza li qed tintuża bħala mezz ta' rappreżalja u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain iwaqqgħu d-deċiżjoni u jaderixxu mal-obbligi u n-normi internazzjonali;

9.

Jappella lill-awtoritajiet tal-Bahrain biex b'mod immedjat ineħħu l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jinsisti li l-awtoritajiet jiggarantixxu fiċ-ċirkostanzi kollha li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem, kemm nazzjonalment kif ukoll internazzjonalment, mingħajr xkiel, intimidazzjoni jew fastidju;

10.

Jinkoraġġixxi lill-Gvern tal-Bahrain jimmira għal stabbiltà permezz ta' riformi u ta' rikonċiljazzjoni inklużiva f'ambjent li fih l-ilmenti politiċi leġittimi u paċifiċi jkunu jistgħu jiġu espressi b'mod liberu, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet li ġejjin tal-Kunsill tar-Rappreżentanti skedati għal Ottubru 2018; jikkundanna, f'dan ir-rigward, l-attakki fuq l-ilħna tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili fil-Bahrain, inkluża s-sospensjoni tas-soċjetà tal-oppożizzjoni l-Al-Wefaq, ix-xoljiment tal-grupp tal-oppożizzjoni Waad u l-projbizzjoni tal-membri ta' dawn il-gruppi xolti milli jipparteċipaw fl-elezzjonijiet li jmiss; jikkunsidra dawn l-azzjonijiet bħala kuntrarji għall-prinċipji ta' pluraliżmu demokratiku u ta' elezzjonijiet liberi u ġusti, u f'kontradizzjoni mal-ftehimiet internazzjonali u l-kostituzzjoni tal-Bahrain; jistieden lill-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom fi djalogu nazzjonali ġenwin sabiex mill-ġdid jagħtu bidu għal proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali paċifiku u sinifikattiv;

11.

Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex b'mod sistematiku jqajmu tħassib dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain u biex jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' miżuri mmirati kontra dawk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

12.

Iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jagħmlu referenza għall-Bahrain fid-dikjarazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri taħt il-punt 4 fis-sessjonijiet li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

13.

Jistieden lill-Gvern tal-Bahrain jikkoopera mar-Rapporteurs Speċjali tan-NU (b'mod partikolari fuq it-tortura, il-libertà ta' għaqda, il-libertà ta' reliġjon u twemmin, l-indipendenza tal-imħallfin u tal-avukati, u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem) u biex joħorġilhom stedina permanenti favur tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain jippermettu lill-NGOs u lill-ġurnalisti libertà ta' aċċess għall-Bahrain, inkluż għall-finijiet li jagħmlu kuntatt mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

14.

Jiddispjaċih għall-fatt li teknoloġiji ta' sorveljanza qed jiġu esportati minn kumpaniji Ewropej lejn il-Bahrain, u jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet ta' kontroll tal-esportazzjonijiet tal-UE jqisu l-kriterji tad-drittijiet tal-bniedem qabel jagħtu liċenzja tal-esportazzjoni lejn pajjiż terz; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jirrispettaw b'mod strett il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi, u b'mod partikolari sabiex iwaqqfu t-trasferimenti kollha tal-armi, tat-tagħmir tas-sorveljanza u tal-intelligence u materjal li jista' jintuża mill-Bahrain fir-repressjoni li għaddej iwettaq bħalissa fuq id-drittijiet tal-bniedem;

15.

Jiddispjaċih bir-rifjut imtenni tal-Bahrain li jirċievi delegazzjoni uffiċjali tas-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jippermettu delegazzjoni uffiċjali tal-Membri tal-Parlament Ewropew iżuru l-pajjiż fuq missjoni, bil-għan li jiltaqgħu mal-awtoritajiet pubbliċi u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

16.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Premju Chaillot tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Reġjun tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf ingħata fl-2014 lill-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Bahrain, li ripetutament iġġustifikat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-Gvern tal-Bahrain, inkluża l-priġunerija ta' Nabeel Rajab;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Bahrain u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf; jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta għall-Għarbi;

(1)  ĠU C 93, 24.3.2017, p. 154.

(2)  ĠU C 265, 11.8.2017, p. 151.

(3)  ĠU C 35, 31.1.2018, p. 42.

(4)  ĠU C 101, 16.3.2018, p. 130.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2017)0044.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2017)0365.


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/80


P8_TA(2018)0261

Is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Rohingya, b'mod partikolari l-qagħda mwiegħra tat-tfal

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Rohingya, b'mod partikolari l-qagħda mwiegħra tat-tfal (2018/2756(RSP))

(2020/C 28/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladesh,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Myanmar/Burma,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2018 dwar il-Myanmar/Burma,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, adottati mill-Kunsill fis-6 ta' Marzu 2017,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Marzu 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini dwar l-assunzjoni tal-kariga tal-Gvern il-ġdid tal-Unjoni tal-Myanmar,

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa konġunta dwar ir-raba' Djalogu bejn l-UE u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta' Marzu 2018,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tal-1954 u l-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tal-1961,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali 2014-24 biex Tintemm l-Apolidija, ta' Novembru 2014, tal-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine ta' Awwissu 2017,

wara li kkunsidra l-Karta tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sessista relatata mal-kunflitti, li ġie ppubblikat fit-23 ta' Marzu 2018,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi 720 000 tifel u tifla Rohingya fil-Bangladesh u fil-Myanmar għandhom bżonn urġenti ta' assistenza u protezzjoni umanitarja;

B.

billi l-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar ospita lil madwar 1,3 miljun Rohingya, minoranza fil-biċċa l-kbira Musulmana li qed tħabbat wiċċha ma' ripressjoni u ma' ksur serju u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom theddid għall-ħajja u s-sigurtà, iċ-ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, ix-xogħol furzat, il-vjolenza sesswali u l-limitazzjoni tad-drittijiet politiċi tagħhom; billi l-Musulmani Rohingya huma meqjusa bħala l-aktar minoranza ppersegwitata fid-dinja u l-akbar grupp apolidu;

C.

billi minn Awwissu 2017, aktar minn 900 000 Rohingya, 534 000 minnhom tfal, ħarbu mill-vjolenza kontrihom u fittxew rifuġju fil-Bangladesh, peress li beżgħu li se jinqatlu; billi huwa stmat li madwar 1 000 tifel u tifla Rohingya taħt l-età ta' ħames snin inqatlu fil-vjolenza fil-Myanmar; billi, skont Deputati tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem (APHR), 28 300 tifel u tifla Rohingya tilfu tal-anqas ġenitur wieħed, filwaqt li 7 700 oħra rrappurtaw li tilfu ż-żewġ ġenituri, biex b'hekk l-għadd ta' ġenituri li mietu tela' għal 43 700;

D.

billi aktar minn 14 000 tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin qed ibatu minn malnutrizzjoni akuta severa; billi tfal Rohingya esperjenzaw jew kienu xhieda ta' sitwazzjonijiet trawmatiċi, inklużi, f'ħafna każijiet, il-mewt ta' wieħed mill-ġenituri jew tat-tnejn li huma, is-separazzjoni mill-familji tagħhom, l-abbuż fiżiku, it-tbatija psikoloġika, il-malnutrizzjoni, il-mard u l-isfruttament sesswali, u kienu xhieda ta' delitti kontra l-umanità fl-Istat ta' Rakhine, fosthom il-ħruq ta' djar, l-attakki fiżiċi u l-istupru ta' Rohingya;

E.

billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad al-Hussein, iddeskriva l-operazzjonijiet tal-gvern tal-Myanmar bħala "eżempju klassiku ta' tindif etniku"u "manuvra ċinika biex numri kbar ta' nies jiġu ttrasferiti bil-forza mingħajr possibbiltà ta' ritorn";

F.

billi l-kriżijiet spiss ikollhom impatt ferm akbar fuq in-nisa u l-bniet u b'modi differenti milli fuq l-irġiel u s-subien, peress li jirrinfurzaw, jipperpetwaw u jħarrxu l-inugwaljanzi bejn is-sessi, il-vjolenza sessista u d-diskriminazzjoni preeżistenti u persistenti;

G.

billi s-suldati tal-Myanmar qed jużaw l-istupru bħala arma fil-kampanja tagħhom ta' tindif etniku fl-Istat ta' Rakhine; billi l-vjolenza sesswali tintuża biex tifred lil komunitajiet sħaħ u biex twaqqaf lin-nisa u lill-bniet milli jirritornaw lejn djarhom; billi l-vittmi ta' stupru fil-kampijiet jista' jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-esklużjoni soċjali mill-komunitajiet tagħhom; billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU talab informazzjoni dwar ir-responsabbiltà tas-suldati tal-Myanmar fir-rigward ta' stupru mifrux ta' nisa u bniet Rohingya;

H.

billi ħafna rifuġjati huma nisa tqal jew li għandhom tfal żgħar u li vvjaġġaw għal bosta mili bil-mixi u jaslu morda fil-kampijiet tal-persuni spostati minħabba stress mentali u fiżiku, malnutrizzjoni u feriti;

I.

billi disa' xhur wara l-bidu tal-attakki fuq ir-Rohingya min-naħa tas-suldati u l-milizji tal-Myanmar, l-aġenziji tal-għajnuna jipprevedu li huwa mistenni li jitwieldu madwar 48 000 tarbija fil-kampijiet tar-rifuġjati;

J.

billi hemm aċċess limitat ħafna għall-kura tas-saħħa għan-nisa u għat-tfal fil-kampijiet tar-rifuġjati fil-Bangladesh; billi n-nisa tqal u l-ommijiet għandhom jingħataw is-servizzi tal-kura tas-saħħa materna li għandhom bżonn, inklużi l-kura qabel it-twelid, ħlas sikur, il-kura tat-tarbija, l-appoġġ għat-treddigħ u kura tas-saħħa riproduttiva kontinwa;

K.

billi t-tfal u n-nisa Rohingya huma esposti ferm għar-riskju li jiġu ttraffikati għall-prostituzzjoni, kif ukoll għar-riskju ta' fastidju u vjolenza sesswali fil-kampijiet tar-rifuġjati fil-Bangladesh; billi t-tfal Rohingya mitlufa fil-kampijiet tar-rifuġjati huma l-aktar vulnerabbli u x'aktarx li jsiru vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

L.

billi t-tfal Rohingya m'għandhomx biżżejjed aċċess għal edukazzjoni formali; billi tfal Rohingya żgħar ħafna biss qed jingħataw edukazzjoni bażika permezz ta' klassijiet informali fil-kampijiet tar-rifuġjati, filwaqt li tfal akbar għandhom ftit aċċess jew m'għandhom ebda aċċess għal edukazzjoni formali;

M.

billi l-istaġun tal-monsuni beda fil-Bangladesh u s-sitwazzjoni mistennija tiddeterjora b'mod sinifikanti; billi tal-anqas 200 000 ruħ fil-kampijiet tar-rifuġjati jinsabu f'riskju immedjat ta' għargħar u uqigħ tal-art; billi jeżisti theddid serju għall-ħajja, għar-rifuġju u għall-provvisti tal-ikel u l-ilma; billi jeżisti riskju kbir li matul l-għargħar minħabba l-monsuni jinfirex mard bħall-kolera u l-epatite; billi huma ftit wisq ir-rifuġjati Rohingya li kellhom aċċess għal assistenza medika jew għal tilqim qabel ma waslu l-Bangladesh;

N.

billi sal-lum il-Myanmar irrifjuta d-dħul fil-pajjiż ta' missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u pprojbixxa lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, Yanghee Lee, filwaqt li ċaħad kważi l-allegazzjonijiet kollha ta' atroċitajiet imwettqa mill-forzi tas-sigurtà tiegħu f'Rakhine;

O.

billi l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) jafferma li l-aktar delitti serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali inġenerali, b'mod partikolari l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, m'għandhomx jibqgħu impuniti; billi f'April 2018 il-prosekutur tal-QKI talab lill-qorti tiddeċiedi dwar jekk il-QKI tistax teżerċita ġurisdizzjoni fuq l-allegati deportazzjonijiet ta' Rohingya mill-Myanmar għall-Bangladesh; billi deċiżjoni li tafferma l-ġurisdizzjoni tal-QKI tista' twitti t-triq biex tinvestiga lill-Myanmar għal delitti kontra l-umanità jew għal dawn id-deportazzjonijiet;

P.

billi f'Marzu 2017 iċ-Ċina u r-Russja imblukkaw l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya fil-Myanmar;

Q.

billi n-nuqqas ta' kwalunkwe prospettiva realistika ta' ritorn sikur u volontarju u n-nuqqas ta' progress politiku fis-soluzzjoni tal-kriżi fil-Myanmar ifissru li din is-sitwazzjoni mhijiex se tiġi solvuta malajr u għalhekk tirrikjedi approċċ sostenibbli, speċjalment l-indirizzar tad-drittijiet u l-bżonnijiet tat-tfal;

R.

billi fis-6 ta' Ġunju 2018 ġie ffirmat memorandum ta' qbil tripartitiku bejn il-Myanmar, il-UNHCR u l-Programm ta' Żvilupp tan-NU (UNDP); billi l-UNHCR iddikjara li l-kundizzjonijiet għadhom mhumiex favorevoli għal ritorn volontarju;

S.

billi f'Mejju 2018 il-Kummissjoni rrilaxxat EUR 40 miljun f'għajnuna umanitarja biex tipprovdi appoġġ li jsalva l-ħajja għal ċivili Rohingya vulnerabbli u għal komunitajiet ospitanti fil-Bangladesh u madwar l-Istat ta' Rakhine; billi dan l-ammont jiżdied mal-EUR 51 miljun li ġew mobilizzati fl-2017;

T.

billi f'Marzu 2018 in-NU appellaw għal USD 951 miljun bħala għajnuna għar-rifuġjati Rohingya għall-bqija tal-2018, iżda sal-lum inġabru biss madwar 20 % ta' dak l-ammont mitlub;

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra r-Rohingya fil-Myanmar, li, skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, jikkostitwixxu tindif etniku; huwa mħasseb ferm dwar iż-żieda fil-gravità u l-iskala tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-qtil, il-ġlied vjolenti, il-qerda ta' proprjetà ċivili u l-ispostament ta' mijiet ta' eluf ta' ċivili; iħeġġeġ lis-suldati u lill-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar iwaqqfu immedjatament il-qtil, il-fastidju u l-istupru tal-persuni Rohingya, u l-ħruq ta' djarhom;

2.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jippermetti aċċess sħiħ u bla xkiel fl-Istat ta' Rakhine għall-osservaturi internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-għajnuna umanitarja, inklużi l-NGOs internazzjonali u tan-NU, b'mod partikolari l-Missjoni ta' Ġbir ta' Informazzjoni tan-NU stabbilita mill-UNHCR f'Marzu 2017, sabiex jiġu żgurati investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha;

3.

Ifakkar fil-ħtieġa li tingħata assistenza medika u psikoloġika fil-kampijiet tar-rifuġjati, imfassla b'mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa u t-tfal; jappella għal aktar servizzi ta' appoġġ għall-vittmi ta' stupru u attakki sesswali; jinsisti li n-nisa u l-bniet kollha għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni u servizzi dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi l-kontraċezzjoni u l-abort sikur;

4.

Jilqa' l-appoġġ ta' qabel u wara t-twelid li qed jingħata minn aġenziji u organizzazzjonijiet; ifakkar fl-importanza li jiġu stabbiliti faċilitajiet ta' reġistrazzjoni u ċertifikati għat-trabi, sabiex jiġi żgurat li jkollhom dokumentazzjoni, drittijiet legali u aċċess għal servizzi bażiċi, u appoġġ għat-tiftix tal-membri tal-familja, bi qbil mal-impenji meħuda mill-Gvern tal-Bangladesh biex jiżgura li t-trabi kollha li jitwieldu fit-territorju tiegħu jiġu rreġistrati; ifakkar li ż-żamma tal-unità tal-familji hija kruċjali biex dawn it-tfal ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom;

5.

Jinnota bi tħassib kbir in-nuqqas ta' biżżejjed edukazzjoni għat-tfal Rohingya fil-kampijiet tar-rifuġjati; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jiggarantixxu lit-tfal Rohingya aċċess sħiħ u suffiċjenti għal edukazzjoni ta' kwalità bil-lingwa tagħhom stess; jirrimarka dwar ir-riskju ta' ġenerazzjoni mitlufa għall-komunità sħiħa jekk ma jittiħdux il-miżuri meħtieġa biex tkun żgurata edukazzjoni xierqa tat-tfal; jissottolinja l-importanza li jiġi permess aċċess sħiħ għall-edukazzjoni peress li din tista' tiġi pprovduta minn aġenziji tan-NU u minn NGOs, sabiex it-tfal kollha jkunu jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom;

6.

Huwa estremament imħasseb dwar l-inċidenza għolja fil-kampijiet tal-prostituzzjoni furzata, tat-traffikar tal-bnedmin u tal-vjolenza sesswali, inklużi ż-żwiġijiet prekoċi, il-vjolenza konjugali u l-isfruttament u l-abbuż sesswali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladesh u tal-Myanmar biex, f'kooperazzjoni mal-UNHCR, jiżguraw is-sigurtà tar-rifuġjati Rohingya fit-territorju tagħhom, b'mod partikolari billi jħarrxu l-ġlieda kontra t-traffikar u l-prostituzzjoni tat-tfal u billi jkissru n-netwerks eżistenti;

7.

Ifaħħar l-isforzi tal-gvern u l-poplu tal-Bangladesh biex jipprovdu rifuġju u sigurtà lir-rifguġjati Rohingya, u jħeġġiġhom ikomplu jipprovdu assistenza umanitarja lir-rifuġjati li jiġu mill-Myanmar; jappella għal aktar appoġġ internazzjonali għal dawk il-komunitajiet li jospitaw ir-rifuġjati, anke billi jiġu indirizzati l-isfidi domestiċi soċjali, edukattivi, ekonomiċi u tal-kura tas-saħħa; jinsisti fuq l-importanza li n-nisa jinstemgħu u jiġu involuti fit-tfassil ta' miżuri umanitarji u ta' bini tar-reżiljenza min-naħa tal-partijiet ikkonċernati kollha;

8.

Jinsisti li l-Gvern tal-Myanmar għandu jiggarantixxi r-ritorn sikur, volontarju u dinjituż, fuq bażi ta' sorveljanza sħiħa min-NU, għal dawk li jridu jirritornaw f'arthom; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Myanmar u tal-Bangladesh jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' non-refoulement;

9.

Jilqa' l-memorandum ta' qbil miftiehem bejn il-Myanmar, il-UNHCR u l-UNDP, tas-6 ta' Ġunju 2018, bħala l-ewwel pass konkret lejn l-involviment sħiħ tal-aġenziji tan-NU fil-proċess ta' rimpatriju; jenfasizza, madankollu, l-importanza li l-ftehim ikun disponibbli pubblikament mill-aktar fis possibbli;

10.

Jenfasizza l-importanza li jkun żgurat li l-atturi umanitarji jistgħu jipprovdu servizzi ta' emerġenza, anke għall-mard trażmess sesswalment u għall-vjolenza sesswali; iħeġġeġ lid-donaturi kollha jżidu l-għajnuna finanzjarja tagħhom sabiex tkun disponibbli l-firxa sħiħa ta' servizzi tal-kura tas-saħħa materna;

11.

Jilqa' l-kampanja tan-NU biex l-apolidija tintemm sa l-2024; ifakkar li r-Rohingya huma parti integrali mill-popolazzjoni tal-Myanmar u għalhekk għandhom jiġu rikonoxxuti bħala tali fil-liġi, kif rakkomandat mill-Kummissjoni Konsultattiva;

12.

Ifakkar li r-responsabbiltà finanzjarja għall-assistenza tal-popolazzjoni tar-rifuġjati hija sproporzjonata għall-Bangladesh; jistieden lill-komunità internazzjonali u lid-donaturi internazzjonali jżidu b'mod urġenti l-impenn tagħhom u jqiegħdu għad-dispożizzjoni l-fondi meħtieġa sabiex tibqa' tingħata l-għajnuna u l-assistenza umanitarja meħtieġa, għall-benefiċċju tan-nisa u tat-tfal Rohingya, b'mod partikolari n-nisa tqal, it-tfal u l-vittmi ta' stupru, kif ukoll tal-komunitajiet lokali li jospitawhom fil-Bangladesh;

13.

Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill, fis-26 ta' April 2018, ta' qafas għal miżuri mmirati kontra uffiċjali responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u għat-tisħiħ tal-embargo tal-UE fuq l-armi; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinfurzaw il-miżuri kollha mingħajr aktar dewmien; jistieden ukoll lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jimponi embargo globali u komprensiv fuq l-armi fil-konfront tal-Myanmar, jissospendi l-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment kollu, kemm jekk dirett kif ukoll jekk indirett, inklużi t-tranżitu u t-trasbord ta' armi, munizzjon u tagħmir militari u ta' sigurtà ieħor kollu, kif ukoll il-forniment ta' taħriġ jew assistenza militari jew ta' sigurtà oħra;

14.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-konsegwenzi fil-kuntest tal-preferenzi kummerċjali li jgawdi l-Myanmar, fosthom li tikkunsidra li tvara investigazzjoni fl-ambitu tal-mekkaniżmi previsti fid-dispożizzjoni "Kollox ħlief Armi";

15.

Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri biex f'fora multilaterali jappellaw biex dawk responsabbli għat-twettiq ta' delitti fil-Myanmar jagħtu rendikont ta' għemilhom; jieħu nota tat-talba tal-Kap Prosekutur tal-QKI lill-imħallfin tal-qorti biex jikkonfermaw il-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tad-deportazzjoni ta' Rohingya mill-Myanmar għall-Bangladesh; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tal-UE jieħdu l-inizjattiva fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jressqu riżoluzzjoni speċifika li tirreferi s-sitwazzjoni kollha fil-Myanmar/fl-Istat ta' Rakhine quddiem il-QKI; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jieħdu l-inizjattiva fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u jiggarantixxu l-istabbiliment urġenti ta' mekkaniżmu internazzjonali, imparzjali u indipendenti biex jappoġġa investigazzjonijiet dwar allegati atroċitajiet;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/85


P8_TA(2018)0262

L-Ostakli Strutturali u Finanzjarji fl-aċċess għall-kultura

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar l-ostakli strutturali u finanzjarji fl-aċċess għall-kultura (2017/2255(INI))

(2020/C 28/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 22 u 25 tagħha,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej bħala sorsi ta' tkabbir ekonomiku u impjiegi (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2004 dwar ir-rwol tal-iskejjel u tal-edukazzjoni skolastika sabiex ikun massimizzat l-aċċess għall-kultura (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titlu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali" (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 bit-titlu "Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa" (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar aġenda Ewropea għall-kultura fl-era tal-globalizzazzjoni (11),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE, dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar il-komunikazzjoni "Europeana - il-passi li jmiss" (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020 (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE (16),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (UNCRPD), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tagħha dwar il-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali, ir-rikreazzjoni, id-divertiment u l-isport,

wara li kkunsidra l-għan 11 tal-Aġenda tan-NU 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli ffirmata f'Settembru 2015 li tipproponi li l-bliet u l-insedjamenti umani jsiru inklużivi, siguri, dejjiema u sostenibbli,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, adottata mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) fl-20 ta' Ottubru 2005,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (il-Konvenzjoni ta' Faro) tas-27 ta' Ottubru 2005,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE (17),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura (18),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2014 dwar Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015–2018) (19),

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura tal-UE għall-perjodu 2015-2018,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 u 19 ta' Mejju 2015 dwar kollegamenti kulturali u kreattivi sabiex jiġu stimulati l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà ekonomika u l-inklużjoni soċjali (20),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2016 dwar ir-rwol tal-Europeana għall-aċċess diġitali, il-viżibbiltà u l-użu tal-wirt kulturali Ewropew (21),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2003 dwar l-aċċessibilità tal-infrastruttura kulturali u tal-attivitajiet kulturali għall-persuni b'diżabilità (22),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-8 ta' Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titlu "Lejn strateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali"(JOIN(2016)0029),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura (COM(2010)0390),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2010 bl-isem "L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi"(COM(2010)0183),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018) (COM(2016)0543),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2012 bit-titlu "Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE"(COM(2012)0537),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2012 dwar il-kontenut fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2012)0789),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Lulju 2014 bit-titlu "Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali"(COM(2014)0477),

wara li kkunsidra r-rapport tal-2012 mill-grupp ta' ħidma tal-esperti tal-Istati Membri tal-UE dwar l-aċċess għall-kultura,

wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru Nru 399 "L-aċċess u l-parteċipazzjoni fil-kultura"u Nru 466 "Il-wirt kulturali",

wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ statistiku tal-Eurostat ("Statistika kulturali") għall-2016,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0169/2018),

A.

billi l-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jiddikjara li "kulħadd għandu d-dritt li jipparteċipa liberament fil-ħajja kulturali tal-komunità, li jgawdi l-arti u li jkollu sehem mill-avvanz xjentifiku u l-benefiċċji tiegħu"; billi l-aċċess għall-kultura u għall-opportunitajiet ta' espressjoni kreattiva huwa importanti għall-eżistenza ta' soċjetà demokratika msejsa fuq il-libertà ta' espressjoni u l-ugwaljanza;

B.

billi l-Konvenzjoni ta' Faro tirrikonoxxi d-dritt għall-wirt kulturali u tħeġġeġ il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' metodi innovattivi ta' ġestjoni tal-wirt, sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jikkooperaw ma' atturi oħra, inklużi assoċjazzjonijiet u individwi privati;

C.

billi l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jitlob ir-rispett għad-diversità kulturali u l-Artikolu 25 jirrikonoxxi d-dritt tal-anzjani li jipparteċipaw fil-ħajja kulturali;

D.

billi l-kultura għandha impatt qawwi fuq il-promozzjoni, il-fehim u l-iżvilupp tas-solidarjetà bejn il-komunitajiet Ewropej u trans-Ewropej;

E.

billi l-kostituzzjonijiet tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE jirreferu direttament jew indirettament għall-kultura u l-aċċess għaliha;

F.

billi, filwaqt li l-UE tista' tikkomplementa u tħeġġeġ politiki kulturali skont l-Artikolu 167 tat-TFUE, l-awtoritajiet fil-livell reġjonali jew nazzjonali għadhom il-korpi ewlenin inkarigati mill-politiki kulturali fl-UE, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

G.

billi kwalunkwe ostakolu li jipprevjeni l-aċċess u l-parteċipazzjoni sħiħa għal persuni jew komunitajiet fil-proċessi kulturali u fl-ekosistemi kulturali jnaqqas l-iżvilupp ta' soċjetà tassew demokratika u inklużiva;

H.

billi l-kultura tagħti liċ-ċittadini Ewropej possibilitajiet akbar fl-iżvilupp tal-ħiliet personali, soċjali, kreattivi u interkulturali;

I.

billi, skont l-istimi tan-NU, nofs il-popolazzjoni dinjija, jiġifieri 3,5 biljun ruħ, illum il-ġurnata jgħixu fil-bliet; billi, sal-2030, kważi 60 % tal-popolazzjoni dinjija se tkun qed tgħix f'żoni urbani; billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti strateġiji b'politiki effettivi għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet li għadhom preżenti u li jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed żmien biex isiru bidliet sabiex jinħolqu spazji urbani tassew inklużivi;

J.

billi r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (23) tinkludi l-għarfien u l-espressjoni kulturali fost il-kompetenzi bażiċi li huma meħtieġa għas-sodisfazzjon u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u l-impjiegi;

K.

billi l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha tal-10 ta' Mejju 2007 bit-titlu "Aġenda Ewropea għal Kultura f'Dinja li qed tiġi Gglobalizzata"(COM(2007)0242), enfasizzat il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kultura u x-xogħlijiet kulturali, kif ukoll li tiġi promossa d-diversità kulturali;

L.

billi l-futur tal-innovazzjoni kulturali tal-UE jiddependi fuq l-investiment fir-riżorsi, l-għarfien u t-talenti kreattivi;

M.

billi l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015-2018) adottat mill-Kunsill f'Diċembru 2014, jidentifika l-kultura aċċessibbli u inklużiva u l-promozzjoni tad-diversità kulturali bħala prijoritajiet;

N.

billi wieħed mill-objettivi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għandu jkun it-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi sabiex tiġi promossa soċjetà inklużiva fejn kulħadd ikun jista' jipparteċipa; billi settur kulturali, dinamiku u ddiversifikat huwa fundamentali f'soċjetà inklużiva;

O.

billi l-parteċipazzjoni f'attivitajiet kulturali hija mezz biex jinħoloq sens ta' appartenenza f'soċjetà; billi l-bini ta' identità soċjali huwa marbut mill-qrib mal-parteċipazzjoni kulturali; billi l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet kulturali tista' tikkontribwixxi għaż-żieda fl-awtostima u tal-kwalità tal-ħajja, prinċipalment tal-persuni li jkunu qed iġarrbu xi forma ta' emarġinazzjoni minħabba qgħad, mard jew għal xi raġuni oħra;

P.

billi settur kulturali inklużiv huwa wieħed li jippermetti li kulħadd igawdi mill-istess opportunitajiet ta' parteċipazzjoni u ta' żvilupp tal-ħiliet kreattivi tiegħu, indipendentement mill-isfond soċjoekonomiku, kulturali jew reliġjuż, kif ukoll minn kwalunkwe diżabilità;

Q.

billi, f'ħafna reġjuni, il-libreriji pubbliċi u l-istituzzjonijiet kulturali huma miżjura ta' spiss miċ-ċittadini u, ħafna drabi, huma l-uniċi punti ta' aċċess għall-informazzjoni u għall-kultura, prinċipalment fir-reġjuni rurali jew remoti;

R.

billi t-teknoloġiji diġitali ġodda jista' jkollhom inflwuenza fil-ġestjoni tas-settur kulturali, fid-djalogu u fil-ħolqien ta' pubbliku ġdid u fid-disseminazzjoni tal-attivitajiet kulturali;

S.

billi t-teknoloġiji diġitali ġodda u l-pjattaformi online joffru opportunitajiet kruċjali biex jiżdiedu l-livelli ta' parteċipazzjoni u ta' ħolqien kulturali;

T.

billi persuni minn pajjiżi terzi mhumiex rappreżentati biżżejjed f'diversi oqsma kulturali fl-UE; billi dan jaffettwa wkoll lil persuni li jbatu minn xi forma ta' diżabilità;

U.

billi r-rapport tal-grupp ta' ħidma tal-esperti tal-Istati Membri tal-UE dwar l-aċċess għall-kultura (24) jiddefinixxi l-aċċess f'termini li jippermetti lil udjenzi ġodda jibbenefikaw mill-offerta kulturali disponibbli; billi dan jimplika l-ilħiq ta' udjenzi jew ċittadini ġodda u t-tqarrib tagħhom lejn il-patrimonju kulturali u r-riżorsi kulturali oħra;

V.

billi t-teknoloġiji diġitali biddlu l-mod kif il-persuni jkollhom aċċess għall-kontenut kulturali, u kif jipproduċuh, ixerrduh u jużawh;

W.

billi l-pjattaforma Europeana, li ġiet imnedija fl-2008, saret proġett kulturali Ewropew komuni li jiffaċilita l-aċċess diġitali għall-wirt kulturali tal-Ewropa;

X.

billi wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-programm Ewropa Kreattiva huwa li jilħaq udjenzi ġodda u li jtejjeb l-aċċess għax-xogħlijiet kreattivi u kulturali fl-Unjoni u lil hinn minnha, b'enfasi partikolari fuq it-tfal, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-gruppi sottorappreżentati;

Y.

billi jeżistu inizjattivi fil-livell tal-Komunità u fl-Istati Membri li għandhom l-għan li jipprovdu aċċess aħjar lill-persuni b'diżabilità għall-infrastruttura kulturali u l-attivitajiet kulturali;

Z.

billi d-diversità tal-proċeduri u tas-sistemi tat-tassazzjoni fi ħdan l-UE tagħmel diffiċli l-mobilità tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali b'mod ġenerali, billi toħloq burokrazija żejda, li ta' spiss ma tkunx proporzjonata għad-dħul reali u modest li jirriżulta mill-attivitajiet tagħhom;

AA.

billi l-iżvilupp ta' statistika kulturali affidabbli, komparabbli u aġġornata, li hija l-bażi tat-tfassil ta' politika kulturali tajba, huwa waħda mill-prijoritajiet trażversali tal-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2015-2018 li jgħin sabiex iservi ta' bażi għall-potenzjal ekonomiku tal-industriji kulturali u kreattivi u għall-impatt tagħhom fuq il-benessri soċjali;

AB.

billi l-aċċess għal riċerka kwalitattiva u r-riżorsi tad-data komparattiva jippermettu monitoraġġ u analiżi effettivi tal-impatt kulturali, ekonomiku u soċjali tal-politiki kulturali;

AC.

billi l-kultura tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien u l-qsim tal-esperjenzi u tal-istorja universali;

AD.

billi kważi 8,4 miljun persuna huma impjegati fis-settur kulturali tal-UE (u b'hekk jirrappreżentaw 3,7 % tal-impjiegi totali) (25), u billi l-potenzjal tagħhom f'termini ta' tkabbir ekonomiku għadu ma twettaqx għalkollox;

AE.

billi dawk li jaħdmu permezz ta' produzzjoni kulturali biex jikkontribwixxu għall-espressjoni tal-identità tagħhom u jwessgħu u jiżviluppaw b'mod sostenibbli l-aċċess għall-kultura jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet u sfidi;

L-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha

1.

Jenfasizza li huwa jirrikonoxxi l-aċċess għall-kultura bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini kollha, f'konformità mal-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jirrikonoxxi l-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali bħala wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem; ifakkar, barra minn hekk, li dan id-dritt huwa stabbilit mill-Konvenzjoni ta' Faro, li tirrikonoxxi d-dritt għall-parteċipazzjoni għall-ħajja kulturali u tenfasizza r-rwol tal-wirt kulturali fil-bini ta' soċjetà paċifika u demokratika; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri firmatarji sabiex iħaffu l-proċess ta' ratifika u lill-Istati Membri l-oħra li ma jagħmlux parti sabiex jiffirmaw il-Konvenzjoni, filwaqt li japprofittaw mill-opportunità unika tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali;

2.

Ifakkar l-importanza ta' applikazzjoni olistika tal-kunċett ta' aċċessibbiltà u l-valur tagħha bħala l-mezz biex jiġi ggarantit li kull persuna li tibbenefika minn kultura, postijiet u inizjattivi kulturali titqies fis-sens aktar wiesa' u sħiħ tagħha u li, bħala konsegwenza, jitqiesu, b'mod partikolari, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità, bil-għan li jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs, inklużjoni soċjali reali u parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà;

3.

Jenfasizza l-importanza inkontestabbli ta' settur kulturali attiv u aċċessibbli għall-iżvilupp ta' soċjetà inklużiva u t-tisħiħ ta' bażi komuni ta' valuri universali u ċittadinanza Ewropea attiva, li huma fundamentali biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw b'suċċess u b'mod sinifikanti fil-ħajja pubblika, filwaqt li, fl-istess ħin, jiġi promoss il-wirt kulturali tal-Ewropa u tiġi żviluppata d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Unjoni, fl-isfera ta' kompetenza tagħha, jiżviluppaw u jimplimentaw il-miżuri speċifiċi meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-aċċess għall-ħajja kulturali kif ukoll il-parteċipazzjoni fiha;

4.

Iħeġġeġ li l-inklużjoni u d-diversità bħala parti integrali mill-ippjanar, l-iżvilupp organizzattiv u r-reklutaġġ fis-settur kulturali fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jissorveljaw sistematikament il-miżuri mmirati lejn dan l-objettiv;

5.

Ifakkar fl-importanza tar-rwol tal-UE fil-promozzjoni u l-iffaċilitar ta' koordinazzjoni aħjar tal-politiki kulturali fil-livelli kollha; jinnota li huwa biss fuq din il-bażi li jkun possibbli għall-operaturi minn madwar l-UE kollha li jiżviluppaw politika effettiva u komprensiva li tippromwovi l-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha u li tiżviluppa l-kultura bħala element essenzjali tal-proġett tal-integrazzjoni Ewropea;

6.

Iqis l-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni kulturali bħala kwistjoni trażversali u, għalhekk, jenfasizza l-importanza li l-politika kulturali tiġi kkoordinata ma' oqsma ta' politika oħrajn, bħall-politiki edukattivi, soċjali, ekonomiċi, reġjonali, barranin, diġitali u tal-midja;

7.

Jirrakkomanda lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija ta' aċċess kulturali mmirata lejn it-tfal jew iż-żgħażagħ;

8.

Jirrikonoxxi l-promozzjoni u l-kisba ta' aċċess inklużiv u siewi għall-kultura bħala waħda mill-prijoritajiet fuq l-aġenda politika u jitlob li l-aspetti tal-aċċessibbiltà u tal-parteċipazzjoni kulturali jiġu integrati f'oqsma ta' politika oħrajn, billi dawn mhux biss jagħmlu kontribut pożittiv għal dawn l-oqsma, iżda se jkollhom ukoll impatt fuq il-kooperazzjoni sinerġistika u transettorjali, skont l-ispirtu tal-Artikolu 167 TFUE;

9.

Jiddikjara li l-kompendju ta' politiki kulturali nazzjonali kif imfassal u ġestit mill-Kunsill tal-Ewropa u pjattaforma ta' esperti kien għodda utli ħafna għal politiki kulturali fl-Ewropa u lil hinn minnha; jiddispjaċih, madankollu, li mill-2011 sar ftit progress b'rabta mal-ġbir tad-data u speċjalment fir-rigward tal-analiżi tad-data, u jirrakkomanda, għalhekk, li l-Kunsill jagħmel reviżjoni tal-kontenut attwali, inklużi wkoll il-livelli lokali u reġjonali tal-politiki kulturali;

10.

Jenfasizza li l-kunċetti tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha huma marbuta mill-qrib; jinnota li jeħtieġ li jiġu implimentati strateġiji għat-tisħiħ tal-aċċess kulturali u l-parteċipazzjoni permezz tal-identifikazzjoni tal-gruppi sottorappreżentati u t-tfassil u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi jew programmi li għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom u jneħħu l-ostakoli eżistenti;

11.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' ġbir ta' data dwar il-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabilità fl-attivitajiet kulturali;

12.

Jiddispjaċih li l-ostakoli finanzjarji għadhom jimpedixxu liċ-ċittadini, speċjalment lil dawk li jagħmlu parti mill-aktar gruppi żvantaġġati, milli jgawdu bis-sħiħ mid-dritt fundamentali tagħhom li jipparteċipaw fil-ħajja kulturali u minn aċċess għall-kultura, u b'hekk dan ixekkel it-twettiq effettiv ta' tali dritt fundamentali;

13.

Ifakkar li huwa importanti li jiġu żviluppati pjattaformi għall-qsim u l-iskambju ta' esperjenzi f'livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew;

14.

Jenfasizza l-importanza li tiġi ggarantita offerta kulturali ta' kwalità għaċ-ċittadini kollha bħala bażi għall-promozzjoni ta' ċittadinanza attiva, demokratika u inklużiva;

Ostakoli finanzjarji

15.

Jenfasizza li finanzjament pubbliku sod u kontinwu jaqdi rwol fundamentali biex tiġi żgurata xena kulturali vibranti u jibqa' strument indispensabbli għall-appoġġ ta' attivitajiet kulturali fl-UE sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal ekonomiku tagħhom, biex jingħata kontribut lit-tkabbir sostenibbli u l-koeżjoni soċjali u biex jiġu ffinanzjati infrastrutturi kulturali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jiddedikaw parti xierqa mill-baġits tagħhom għall-appoġġ pubbliku għall-kultura u biex isaħħu s-sinerġiji mal-FEŻR u fondi ta' appoġġ kulturali oħra, inklużi programmi li jiffaċilitaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-għodod tal-politika ta' koeżjoni disponibbli;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-finanzjament pubbliku tal-kultura ma jonqosx, irrispettivament mid-diffikultajiet ekonomiċi futuri possibbli li Stat Membru jista' jkun qed iħabbat wiċċu magħhom;

17.

Jiddispjaċih li r-rallentamenti ekonomiċi normalment irriżultaw, u għadhom spiss wisq jirriżultaw, l-ewwel u qabel kollox fi tnaqqis tan-nefqa pubblika fuq il-kultura u għandhom impatt negattiv fuq il-baġits għal attivitajiet kulturali;

18.

Ifakkar li l-investiment fis-setturi kulturali u kreattivi huwa mezz ta' kif jiġi sfruttat il-potenzjal sinifikanti u li għadu sottovalutat ta' dawk is-setturi bil-għan li jitrawmu d-diversità kulturali u l-innovazzjoni soċjali, filwaqt li jiġu ġġenerati l-prosperità ekonomika sostenibbli u impjiegi ta' kwalità, u li dan l-investiment għandu wkoll impatt dirett fuq l-iżvilupp ta' ħiliet ġodda, id-diġitizzazzjoni, l-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-formulazzjoni ta' mudelli kummerċjali ġodda, kif ukoll it-tisħiħ tal-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej, filwaqt li jinħatfu opportunitajiet u jinkiseb aċċess għal opportunitajiet, swieq u udjenzi internazzjonali ġodda; iqis, għalhekk, li s-settur privat għandu rwol deċiżiv u komplementari għall-investiment pubbliku u jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta' miżuri leġiżlattivi li jipprevedu kreditu ta' taxxa għall-ħruġ ta' flus lil partijiet privati li jappoġġja l-kultura;

19.

Jirrimarka li l-frammentazzjoni, il-valur miżjud baxx u l-attivitajiet ta' bosta irġiel u nisa li jaħdmu għal rashom u ta' nisa fis-settur kreattiv, filwaqt li jfakkar li dawn l-attivitajiet b'mod ġenerali jitqiesu bħala interessanti, m'għandhomx iwasslu biex l-industrija kulturali u kreattiva ssir mudell ta' impjiegi mħallsa b'pagi baxxi u b'sigurtà soċjali dgħajfa; jipproponi, għalhekk, l-iżvilupp ta' proċessi ta' reviżjoni b'saħħitha għal xogħol ta' kwalità fis-settur kreattiv;

20.

Jenfasizza li l-aċċess tal-popolazzjoni għall-beni u s-servizzi kulturali, kif ukoll l-appoġġ għall-produzzjoni u l-espressjoni kulturali, isaħħu l-ekonomija kreattiva, filwaqt li jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ta' pajjiż;

21.

Jirrimarka li n-nuqqas ta' finanzjament tal-industriji kulturali għandu jitnaqqas permezz ta' inċentivi fiskali għall-patronċinju privat;

22.

Jiġbed l-attenzjoni għall-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-artisti ġejjin mill-Ewropa kollha fir-rigward tal-ġbir tat-taxxi fuq l-introjtu transkonfinali, u għalhekk jirrakkomanda mudelli armonizzati li jistgħu jintużaw faċilment mill-impjegati u minn dawk li jaħdmu għal rashom u li permezz tagħhom tkun tista' tiġi evitata t-tassazzjoni doppja;

23.

Jitlob li jsir investiment fil-mikrointrapriżi, sabiex tingħata spinta lill-kreattività u l-innovazzjoni, filwaqt li jiġi promoss ukoll l-iżvilupp reġjonali u lokali;

24.

Jenfasizza li l-prezz għoli tal-prodotti u s-servizzi kulturali huwa wieħed mill-ostakoli għall-parteċipazzjoni fil-kultura, kif enfasizzat mir-rispondenti fl-istħarriġ tal-Ewrobarometru u f'dak tal-Eurostat (26); jirrakkomanda bil-qawwa, f'dan il-kuntest, li l-Istati Membri u r-reġjuni jieħdu azzjonijiet immirati għal udjenzi speċifiċi, b'mod speċjali għall-istudenti, familji kbar u anzjani, bil-għan li jitneħħew l-ostakoli finanzjarji għall-aċċess;

25.

Jenfasizza li l-ispejjeż għolja ta' assigurazzjoni għall-oġġetti tal-wirjiet u l-prestazzjonijiet huma responsabbli wkoll għall-biljetti ta' dħul jew biljetti bi prezzijiet għoljin għal mużewijiet, teatri u wirjiet u ta' spiss jagħmluha diffiċli għal strutturi iżgħar biex jiżviluppaw il-programmi tagħhom skont l-udjenzi u l-ambizzjonijiet tagħhom, sitwazzjoni li tirriżulta f'diskrepanza dejjem akbar bejn strutturi iżgħar, li huma qrib l-udjenza tagħhom, u istituzzjonijiet akbar, li huma rikonoxxuti internazzjonalment;

26.

Jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom il-politiki fiskali xierqa għas-setturi kreattivi u kulturali fit-titjib tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fil-kultura; jinnota, madankollu, li l-appoġġ indirett għall-wirt kulturali permezz tal-introduzzjoni ta' rati mnaqqsa tal-VAT ma jistax jieħu post is-sussidji diretti; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-politiki kulturali nazzjonali u tar-rati tal-VAT bħala għodda li tistimula l-parteċipazzjoni kulturali;

27.

Ifakkar fl-importanza li l-Istati Membri jikkunsidraw politika tat-tassazzjoni aktar koerenti rigward id-dħul, għall-ħaddiema fis-settur kulturali u l-artisti li jivvjaġġaw f'pajjiżi differenti għal perjodi qosra ta' żmien u għalhekk jistgħu jkunu soġġetti għal regoli u proċeduri amministrattivi ġodda għal kull prestazzjoni individwali, sessjonijiet ta' ħidma jew residenza; jissuġġerixxi li armonizzazzjoni minima b'appoġġ għall-mobilità tal-artisti u tal-ħaddiema fis-settur kulturali għandha titqies bħala prijorità biex tħeġġeġ id-diversità tal-ħolqien u tal-kultura madwar l-UE u lil hinn minnha, minflok ma jinħolqu ostakoli fil-forma ta' burokrazija mhux proporzjonali għad-dħul reali mix-xogħol kulturali;

28.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet pubbliċi biex jinvestu fid-deċentralizzazzjoni ta' wirjiet ta' attivitajiet kulturali, kemm permezz tal-ħolqien ta' infrastrutturi f'reġjuni remoti, kif ukoll permezz ta' wirjiet kulturali temporanji differenti; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kulturali privati jinvestu wkoll fid-deċentralizzazzjoni ġeografika;

29.

Jilqa' l-proposta li tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT, li tippermetti lill-Istati Membri japplikaw l-istess rata tal-VAT għall-pubblikazzjonijiet elettroniċi u għall-pubblikazzjonijiet stampati; huwa tal-fehma li d-distinzjoni bejn ir-rati tal-VAT applikati għall-pubblikazzjonijiet fiżiċi u għal dawk elettroniċi hija anakronistika u mhux sostenibbli fl-era diġitali; jistieden lill-Kunsill jadotta l-proposta tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni mingħajr dewmien żejjed;

30.

Jenfasizza l-importanza li jinsab bilanċ bejn il-ħajja privata u dik tax-xogħol permezz tal-aċċess, it-tgawdija u l-parteċipazzjoni f'diversi attivitajiet kulturali;

Ostakoli u sfidi edukattivi

31.

Jenfasizza li l-livell ta' edukazzjoni huwa wieħed mill-aktar fatturi importanti li għandhom impatt sinifikanti fuq il-livell tal-parteċipazzjoni fil-kultura; jenfasizza li livell ogħla ta' edukazzjoni jissarraf f'livell ogħla ta' parteċipazzjoni f'avvenimenti kulturali (27); jenfasizza li s-suġġetti mużikali, it-taħriġ fil-lingwi fl-iskejjel u l-edukazzjoni kulturali informali jiffurmaw parti integrali mill-edukazzjoni ġenerali, li huma adatti biex inaqqsu d-differenzi soċjali u b'hekk jeħtieġu l-istess appoġġ bħas-suġġetti STEM;

32.

Jenfasizza li l-għarfien huwa kkonċepit bħala prodott tal-interazzjonijiet kulturali li jaġixxu u jirreaġixxu fuq l-individwu li jifforma impronta kulturali;

33.

Iħeġġeġ approċċ interattiv u inklużiv ibbażat fuq il-komunità fl-iżvilupp ta' politiki kulturali u edukattivi sabiex jiżdiedu l-interess u l-parteċipazzjoni kulturali, jiġi promoss il-wirt kulturali tal-Ewropa u tiġi żviluppata d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea;

34.

Jinnota li n-nuqqas ta' interess huwa wieħed mill-ostakoli għall-parteċipazzjoni kulturali msemmija l-aktar ta' spiss minn fost ir-rispondenti fl-istħarriġ tal-Eurostat u f'dak tal-Ewrobarometru (28); jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-appoġġ għad-domanda, li jinftiehem bħala t-tiswir ta' interess u għarfien tal-kultura permezz tal-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, għandu jkun kompitu ta' prijorità f'termini taż-żieda tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha;

35.

Jirrakkomanda li tinħareġ "Kard Ewropea tal-Istudenti"fuq bażi ġenerali u li l-aċċess b'xejn għall-istituzzjonijiet kulturali tal-UE għandu jiżdied mal-benefiċċji li tagħti;

36.

Ifakkar fir-rwol fundamentali tal-iskejjel u tal-familji bħala pjattaformi ewlenin sabiex iż-żgħażagħ jinġiebu f'kuntatt mal-kultura u sabiex isawru l-ħtiġijiet u l-kompetenzi kulturali; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu passi 'l quddiem lejn l-integrazzjoni akbar tal-edukazzjoni kulturali u artistika fil-programmi u l-kurrikuli tal-iskejjel, kemm fl-edukazzjoni formali kif ukoll dik informali;

37.

Jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u permezz ta' finanzjament u/jew sussidji, jiżguraw li jingħata tagħlim mużikali fl-istituzzjonijiet tat-tagħlim pubbliku;

38.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jqisu l-edukazzjoni bħala waħda mill-iktar attivitajiet kulturali importanti, peress li l-promozzjoni tad-domanda tfisser, qabel kollox, li n-nies jingħataw il-ħiliet u l-għarfien biex ikunu jistgħu japprezzaw l-arti; ifakkar li l-kultivazzjoni tal-interess fil-kultura hija aktar effettiva jekk issir f'età bikrija, u jqis għalhekk li l-kultura għandha tingħata iktar spazju fil-kurrikuli tal-iskejjel u li għandhom ikunu disponibbli iktar riżorsi umani u materjali biex jintlaħaq dan l-objettiv; jitlob li jingħata finanzjament lill-iskejjel għal żjarat f'mużewijiet u istituzzjonijiet kulturali oħrajn, peress li dan jippromwovi fl-istess ħin l-interess fil-kultura u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, u jipprovdi riżorsi addizzjonali għall-istituzzjonijiet kulturali;

39.

Jenfasizza l-importanza tas-sistemi ta' tagħlim pubbliku fl-introduzzjoni tat-tfal għad-diversità tax-xena kulturali, biex b'hekk jingħata wkoll kontribut għall-ħolqien ta' udjenzi ġodda u għad-disseminazzjoni kulturali; jenfasizza wkoll l-importanza tad-diversi istituzzjonijiet kulturali li jiżviluppaw sħubijiet mal-iskejjel fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

40.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jappoġġjaw programmi ta' edukazzjoni kulturali "barra mill-iskola"għal kulħadd, u b'mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ żvantaġġati, permezz ta' programmi li għandhom l-objettiv li jintroduċuhom għal diversi forom ta' espressjoni artistika jew li jiffaċilitawlhom il-familjarizzazzjoni mal-wirt kulturali eżistenti;

41.

Jenfasizza r-rwol tal-istituzzjonijiet kulturali, inkluż taċ-ċentri kulturali lokali u tal-libreriji bħala atturi ewlenin sabiex jingħelbu l-ostakoli għall-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fil-kultura; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jappoġġjaw attivament lil dawn l-istituzzjonijiet kulturali;

42.

Isejjaħ għal apprezzament u fehim akbar tar-rwol soċjali li jaqdu l-libreriji pubbliċi u l-istituzzjonijiet kulturali tal-komunità, prinċipalment fir-reġjuni rurali jew imbiegħda, mhux biss bit-tisħiħ tal-finanzjament pubbliku, iżda wkoll bil-ħolqien ta' sħubijiet, billi jingħataw mezzi adegwati fil-livell tal-ICT u r-riżorsi umani b'aċċess għal taħriġ, u b'hekk jiġu ttrasformati f'istituzzjonijiet li kapaċi jtejbu l-ħajjiet tal-persuni u jikkontribwixxu għall-iżvilupp lokali;

43.

Jinnota li l-istabbiliment ta' sħubijiet huwa fundamentali biex jiġu attirati udjenzi potenzjali għall-attivitajiet artistiċi u li dan jista' jsir, pereżempju, permezz ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-istudenti, il-migranti jew il-persuni b'diżabilità, sabiex jiġu indirizzati b'mod adegwat l-interessi u l-ħtiġijiet tagħhom;

44.

Jenfasizza l-importanza li jiġu promossi inizjattivi fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali li jippromwovu l-kuntatt, il-kollaborazzjoni u l-iskambju ta' esperjenzi bejn l-arti tradizzjonali, l-istituzzjonijiet kulturali u diversi organizzazzjonijiet multikulturali jew ta' minoranzi, kif ukoll bejn is-setturi kulturali professjonali u tad-dilettanti;

45.

Jirrakkomanda l-iżvilupp ta' strateġija koerenti li tappoġġja l-proġetti edukattivi proposti mill-istituzzjonijiet kulturali; jenfasizza li dawn il-proġetti huma għodod li jappoġġjaw u jibnu s-sensibilizzazzjoni u l-kompetenzi kulturali kif ukoll l-għarfien interkulturali, biex b'hekk iservu bħala punt tat-tluq għall-involviment fit-tul tal-pubbliku f'attivitajiet kulturali;

46.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu programmi għall-ħin liberu taż-żgħażagħ fl-istituzzjonijiet kulturali;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jiżguraw aċċess aktar mifrux għal istituzzjonijiet kulturali u jiżviluppaw strateġija Ewropea komprensiva dwar l-aċċess għal spazji pubbliċi, partikolarment relatati mal-kultura fl-ambjent urban mibni, bħal fil-każijiet ta' mużewijiet, teatri, swali taċ-ċinema, libreriji, swali tal-kunċerti, eċċ;

48.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinċentivaw il-ħolqien ta' boroż ta' studju jew ta' apprendistat għall-istudenti b'rabta man-netwerks edukattivi pubbliċi jew privati fl-istituzzjonijiet kulturali jew ta' ġestjoni kulturali;

Ostakoli strutturali

49.

Jiġbed l-attenzjoni għar-rati ta' parteċipazzjoni kulturali spiss aktar baxxi fost il-popolazzjoni rurali, li huma kkundizzjonati strutturalment (29), u f'dan il-kuntest, għar-rwol ta' ċentri kulturali lokali żgħar, l-infrastruttura tat-trasport u l-appoġġ għat-turiżmu kulturali sostenibbli fl-iffaċilitar tal-aċċess għal istituzzjonijiet kulturali;

50.

Jenfasizza li l-wirt kulturali Ewropew huwa uniku fid-dinja għad-diversità u r-rikkezza tiegħu u jissottolinja li t-turiżmu kulturali għandu potenzjal kbir biex jikkontribwixxi għal ekonomija sostenibbli kif ukoll biex irawwem il-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jqawwu l-isforzi u l-investimenti tagħhom sabiex jiżviluppaw politika tat-turiżmu kulturali sostenibbli u fit-tul;

51.

Iħeġġeġ investiment akbar fis-settur kulturali sabiex tingħata spinta lill-ekonomiji lokali u biex jinġieb 'il quddiem it-turiżmu kulturali; jinnota li t-turiżmu kulturali, f'sinerġija max-xjenza, is-settur primarju, u ċ-ċentri artiġjanali u industrijali, kif ukoll il-mobilità, huma fatturi deċiżivi għal Ewropa aktar qrib taċ-ċittadini u aktar umanistika;

52.

Jissuġġerixxi investiment akbar fl-aċċess għall-kultura għar-reġjuni ultraperiferiċi, ir-reġjuni muntanjużi u mbiegħda, b'mod li jinħolqu opportunitajiet kulturali deċentralizzati;

53.

Jinnota l-ħtieġa ta' azzjoni ulterjuri sabiex jittejjeb l-aċċess tal-persuni b'diżabilità għal infrastruttura kulturali mingħajr ostakoli teknoloġiċi jew fiżiċi kif ukoll għal attivitajiet kulturali u għall-midja; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom, sabiex ikomplu jaħdmu lejn l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità permezz tal-kultura u jagħmlu sforzi sabiex jitneħħew l-ostakoli eżistenti;

54.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' regoli ta' parteċipazzjoni fil-ġestjoni tal-wirt kulturali bbażati fuq approċċ li jiffoka fuq il-komunitajiet lokali b'tali mod li jinterċettaw id-domanda u jinvolvu aktar partijiet tal-pubbliku, filwaqt li jikkunsidraw b'mod partikolari ż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-gruppi sottorappreżentati u marġinalizzati;

55.

Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kulturali li jiddependu minnhom biex jiżguraw prodott kulturali li jkun aċċessibbli għal kulħadd, flimkien ma' miżuri speċifiċi għal ċerti gruppi tal-popolazzjoni, bħat-tfal u ż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità jew il-migranti, fost oħrajn;

56.

Jissottolinja l-ħtieġa għal investiment akbar, min-naħa tal-Istati Membri, fl-implimentazzjoni tal-kodiċi universali tal-qari bis-sens tal-mess u ta' kitba (is-sistema Braille) f'varjetà wiesgħa ta' infrastrutturi u teknoloġiji kulturali; isejjaħ għal investiment akbar fil-produzzjoni ta' kotba, rivisti u ġurnali f'format awdjo, kif ukoll l-użu tal-lingwa tas-sinjali fil-produzzjonijiet teatrali;

57.

Jirrimarka dwar l-ħtieġa li jitneħħew l-ostakoli għall-mobilità tal-artisti u tal-professjonisti kulturali, prinċipalment dawk fiskali; jenfasizza l-impatt ta' dawn l-attivitajiet fuq l-espansjoni tal-offerta kulturali tal-Ewropa; jilqa' l-programm Ewropa Kreattiva biex jikkontribwixxi għas-suċċess tal-mobilità kulturali u tal-professjonisti tas-settur kif ukoll biex jingħata inċentiv għad-disseminazzjoni ta' avvenimenti u proġetti kulturali ta' kwalità;

58.

Ifakkar li l-ostakoli fl-aċċess għall-kultura jimmanifestaw ruħhom b'mod aktar ċar fuq livell lokali, u għalhekk l-investiment fi proġetti ta' mobilità kulturali ddifferenzjati għandu jissaħħaħ sabiex jippermetti l-iżvilupp u l-koeżjoni tal-lokalitajiet lokali;

59.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-mobilità tal-artisti Ewropej u minn pajjiżi terzi bħala assi fil-promozzjoni tal-paċi, l-iskambju ta' opinjonijiet u d-dikostruzzjoni ta' sterjotipi soċjali u kulturali;

60.

Ifakkar li l-ostakoli tal-lingwa jista' jkollhom effett negattiv fuq id-domanda kulturali, u jitlob għalhekk it-tisħiħ tal-multilingwiżmu fil-produzzjonijiet kulturali;

61.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiffaċilitaw it-trasport u l-aċċess għall-istituzzjonijiet kulturali għal persuni b'diżabilità u persuni b'mobilità mnaqqsa;

Ostakoli u sfidi diġitali

62.

Huwa konvint li l-għodod diġitali, meta jintużaw u jiġu implimentati kif xieraq u meta jkunu akkumpanjati minn livell konsistenti ta' litteriżmu diġitali, jistgħu jgħinu biex jingħelbu ostakoli għall-aċċess għall-kultura kkawżati minn fatturi li jinkludu pożizzjoni ġeografika żvantaġġata, diżabilità, sfond soċjali, lingwa u nuqqas ta' ħin jew ta' riżorsi finanzjarji; jirrimarka li, mingħajr ma dan ikun ifisser diżinvestiment fid-deċentralizzazzjoni ġeografika tal-attivitajiet kulturali, l-għodod diġitali jistgħu jkunu wkoll għodda sabiex jingħelbu l-ostakoli soċjali jew mentali;; iqis, għalhekk, li f'dan il-kuntest, l-edukazzjoni diġitali għandha tidħol fil-proċess tat-tagħlim minn età żgħira sabiex jiġu żviluppati l-għarfien u l-ħiliet ix-xierqa;

63.

Jirrakkomanda lill-Kummissjoni tfassal strateġija diġitali konsistenti, immirata lejn l-infrastrutturi u l-attivitajiet kulturali, sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom;

64.

Jinnota l-problema tal-esklużjoni diġitali u jenfasizza l-ħtieġa li din tiġi miġġielda; ifakkar, f'dan il-kuntest, li d-diġitalizzazzjoni tirrikjedi li l-istituzzjonijiet edukattivi u kulturali, kif ukoll il-benefiċjarji nfushom, jiksbu kompetenzi, ħiliet u għarfien ġodda; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li tinbena kapaċità għall-użu ta' teknoloġiji diġitali ġodda fl-istituzzjonijiet kulturali u biex jadattawhom għall-isfidi tal-bidla teknoloġika;

65.

Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà online tal-wirt kulturali fl-Ewropa għandhom jiġi implimentati abbażi ta' rispett sħiħ għad-drittijiet tal-ħallieqa u tal-proprjetà intellettwali; iqis f'dan ir-rigward li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma għandhomx ixekklu l-għan pubbliku ġenerali li jiżdied l-aċċess għal kontenut kreattiv, informazzjoni u għarfien u jiġi appoġġjat it-tixrid tagħhom; jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa urġenti li jinħoloq ambjent diġitali sigur biex l-artisti u l-ħallieqa jkunu jistgħu jiġu rimunerati kif xieraq għax-xogħol tagħhom u tiġi żgurata rimunerazzjoni ġusta għal aċċess transkonfinali;

66.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli tagħti prijorità lill-approċċi innovattivi għall-iżvilupp u l-involviment tal-udjenza, inkluż permezz ta' teknoloġiji ġodda, fil-qafas tal-programmi tal-UE, b'mod partikolari l-programm Ewropa Kreattiva u l-iterazzjonijiet sussegwenti tiegħu;

67.

Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-iżvilupp tal-udjenza fl-istrateġiji kulturali u diġitali tagħhom u jappoġġjaw l-użu ta' teknoloġiji diġitali sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-kontenut kulturali;

68.

Jirrikonoxxi l-kontribut li sar mill-pjattaforma Europeana u mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri għad-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà tal-kontenut kulturali; jitlob, fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, li jingħata appoġġ sostenibbli għall-proġett u li dan jitfassal aħjar u li ssir promozzjoni tal-aċċess pubbliku għas-servizzi u r-riżorsi tal-wirt kulturali diġitali; jitlob ristrutturar reali tas-sit sabiex jikkonforma aħjar ma' teknoloġiji avvanzati kif ukoll politika ta' komunikazzjoni ġenwina li tkun konformi mar-rikkezza tal-kontenut miġbur fuq is-sit;

69.

Jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar u tiġi ġestita data kulturali fil-kuntest ta' riċevituri tad-data sabiex l-organizzazzjonijiet kulturali jkunu jistgħu jifhmu aħjar il-ħtiġijiet tar-riċevituri u jiżviluppaw approċċ koerenti għall-udjenza diġitali;

70.

Jinnota li l-kontenut kulturali jaqdi rwol essenzjali fir-rigward tal-aċċettazzjoni tat-teknoloġiji ġodda kkonċernati mill-pubbliku inġenerali, kif ukoll fl-iżvilupp ta' ħiliet diġitali u ta' livelli ta' litteriżmu medjatiku taċ-ċittadini Ewropej;

o

o o

71.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 142.

(2)  ĠU C 93, 9.3.2016, p. 95.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0486.

(4)  ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 25.

(5)  ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 223.

(6)  ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 135.

(7)  ĠU C 98 E, 23.4.2004, p. 179.

(8)  ĠU C 11, 12.1.2018, p. 55.

(9)  ĠU C 316, 22.9.2017, p. 88.

(10)  ĠU C 11, 12.1.2018, p. 16.

(11)  ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 32.

(12)  Testi adottati, P8_TA(2017)0233.

(13)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 16.

(14)  ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 9.

(15)  Testi adottati, P8_TA(2017)0474.

(16)  Testi adottati, P8_TA(2017)0062.

(17)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.

(18)  ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.

(19)  ĠU C 463, 23.12.2014, p. 4.

(20)  ĠU C 172, 27.5.2015, p. 13.

(21)  ĠU C 212, 14.6.2016, p. 9.

(22)  ĠU C 134, 7.6.2003, p. 7.

(23)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(24)  Rapport bit-titlu 'Policies and good practices in the public arts and cultural institutions to promote better access to and wider participation in culture' (Politiki u prassi tajba fl-istituzzjonijiet artistiċi u kulturali pubbliċi sabiex jippromwovu aċċess aħjar għall-kultura u parteċipazzjoni usa' fiha), Ottubru 2012.

(25)  Eurostat, Culture statistics - cultural employment (Statistika kulturali - Impjiegi kulturali - 2017), http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Culture_statistics_-_cultural_employment

(26)  Ewrobarometru 399.

(27)  Statistika Kulturali tal-Eurostat, edizzjoni tal-2016, paġni 116-136; Eurostat (data mill-Istħarriġ tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) tal-2015).

(28)  Ewrobarometru 399, Eurostat (data mill-Istħarriġ tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) tal-2015).

(29)  Eurostat (data mill-Istħarriġ tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) tal-2015).


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/97


P8_TA(2018)0266

Territorji okkupati Georgjani 10 snin wara l-invażjoni Russa

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa (2018/2741(RSP))

(2020/C 28/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, iffirmat mill-Georgia u l-Federazzjoni Russa bil-medjazzjoni tal-UE, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (2),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, partikolarment dik maqbula fl-2017 fi Brussell,

wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), partikolarment ir-rapport tat-18 ta' Mejju 2017dwar l-implimentazzjoni tar-rieżami tal-PEV (JOIN(2017)0018) u d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tad-9 ta' Ġunju 2017intitolat "Is-Sħubija tal-Lvant – 20 Riżultat għall-2020: Enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin u r-riżultati tanġibbli"(SWD(2017)0300), kif ukoll il-komunikazzjoni tal-2016 intitolata "Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea",

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Viċinat tal-Lvant u, partikolarment, ir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017 (3),

wara li kkunsidra l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE (EUMM) li ntbagħtet il-Georgia fil-15 ta' Settembru 2008,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar il-Kunflitt fil-Georgia tal-2009, taħt it-tmexxija ta' Heidi Tagliavini,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Georgia qed tiċċelebra l-mitt anniversarju tal-ewwel repubblika demokratika Georgjana, imwaqqfa fl-1918, u bix-xieraq hija kburija bil-kisbiet kontemporanji tagħha;

B.

billi l-UE tappoġġja bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment;

C.

billi għaxar snin wara l-aggressjoni militari Russa fil-Georgia ta' Awwissu 2008, il-Federazzjoni Russa għadha qed tokkupa illegalment it-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, u b'hekk tkasbar id-dritt internazzjonali u s-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli; billi l-hekk imsejħa trattati ta' integrazzjoni u ta' alleanza ffirmati bejn ir-Russja u l-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar fl-2014 u fl-2015 jikkostitwixxu ksur ċar tad-dritt internazzjonali, tal-prinċipji tal-OSKE u tal-impenji internazzjonali tar-Russja; billi l-Unjoni Ewropea ma tirrikonoxxix il-qafas tal-hekk imsejħa elezzjonijiet u tar-referendum li ġew organizzati minn separatisti appoġġjati mir-Russja fir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar fl-2016 u l-2017;

D.

billi l-UE għadha impenjata bis-sħiħ favur riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia, b'rispett sħiħ tan-normi u l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali;

E.

billi r-Russja qed issaħħaħ kontinwament il-preżenza militari illegali tagħha fit-territorji okkupati tal-Georgia bil-bini ta' bażijiet ġodda, bl-introduzzjoni ta' truppi ġodda u tagħmir ġdid u bit-twettiq ta' eżerċizzji militari;

F.

billi r-Russja qed tkompli tikser l-obbligi internazzjonali tagħha u tirrifjuta li timplimenta bis-sħiħ il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied iffirmat fit-12 ta' Awwissu 2008bil-medjazzjoni tal-UE;

G.

billi r-Russja qed tkompli tiżola lill-Abkażja u lir-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar mill-bqija tal-pajjiż billi tagħlaq aktar punti ta' qsim, tistabbilixxi ostakoli fiżiċi matul il-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva u twettaq kampanja maħsuba biex teradika l-kultura tal-Georgia;

H.

billi din il-linja qed tidħol, b'mod gradwali iżda kostanti, 'il ġewwa fit-territorju kkontrollat minn Tbilisi fi proċess magħruf bħala "frunterizzazzjoni"u, f'xi postijiet, qed tgħaddi viċin ħafna ta' infrastruttura kritika bħalma huma l-awtostradi u l-pipelines tal-gass;

I.

billi mijiet ta' eluf ta' persuni spostati internament u rifuġjati mkeċċija bil-forza mit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar – ir-riżultat ta' mewġa wara l-oħra ta' tindif etniku – għadhom qed jiġu mċaħħda mid-dritt fundamentali tagħhom li jerġgħu lura lejn djarhom b'mod sikur u dinjituż;

J.

billi fir-reġjuni okkupati tal-Georgia qed jinkisru d-drittijiet bażiċi tal-bniedem, inklużi l-libertà ta' moviment u ta' residenza, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt ta' aċċess għall-edukazzjoni bil-lingwa materna; billi diversi persuni għadhom qed jinħatfu u jinżammu illegalment;

K.

billi l-Federazzjoni Russa, bħala potenza li teżerċita kontroll effettiv fuq it-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, hija kompletament responsabbli għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għas-sitwazzjoni umanitarja fuq il-post;

L.

billi l-invażjoni tal-2008 kienet l-ewwel attakk importanti li r-Russja għamlet bil-miftuħ fuq l-ordni Ewropew; billi aktar tard saru attakki oħra, fosthom l-annessjoni tal-Krimea u l-gwerra fil-Lvant tal-Ukrajna;

M.

billi Archil Tatunashvili, Giga Otkhozoria u Davit Basharuli, Georgjani spostati internament, inqatlu illegalment bħala riżultat tal-azzjonijiet brutali mwettqa mill-forzi tal-okkupazzjoni Russi f'Sokhumi u Tskhinvali;

N.

billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) fetħet investigazzjoni dwar id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità li allegatament twettqu fil-kunflitt;

O.

billi żjara konġunta ad hocfil-Georgia fit-12 ta' Awwissu 2008minn mexxejja tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant – Lech Kaczyński, il-President tal-Polonja, Toomas Hendrik Ilves, il-President tal-Estonja, Valdas Adamkus, il-President tal-Litwanja, Ivars Godmanis, il-Prim Ministru tal-Latvja, u Viktor Yushchenko, il-President tal-Ukrajna – hija meqjusa fil-wisa' bħala fattur ewlieni li żamm lir-Russi milli jkompli javvanzaw lejn Tbilisi meta t-truppi kienu biss 50 km mill-belt kapitali tal-Georgia u li aġevola l-medjazzjoni tal-waqfien mill-ġlied mill-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-UE;

P.

billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli tiċħad l-aċċess tal-EUMM għat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, bi ksur tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied iffirmat fit-12 ta' Awwissu 2008bil-medjazzjoni tal-UE, u b'hekk mhix tħalli lill-missjoni timplimenta bis-sħiħ il-mandat tagħha;

1.

Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu, bla riżervi, għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia; jirrikonoxxi li l-prinċipji minquxa fil-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 u l-Karta ta' Pariġi tal-OSKE tal-1990 jirrappreżentaw il-pedamenti għal kontinent Ewropew paċifiku;

2.

Itenni li s-sovranità, l-indipendenza u r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim huma prinċipji ewlenin tal-ordni ta' sigurtà Ewropew; jenfasizza li r-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-Georgia hija essenzjali għat-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent Ewropew kollu kemm hu; jikkunsidra li dawn il-kunflitti u l-okkupazzjoni li għadha għaddejja tat-territorji Georgjani għadhom theddida potenzjali għas-sovranità tal-pajjiżi Ewropej kollha;

3.

Jesiġi li l-Federazzjoni Russa terġa' lura mid-deċiżjoni tagħha li tirrikonoxxi l-hekk imsejħa indipendenza tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar; jikkundanna d-deċiżjoni li ħadu r-Russja, il-Venezwela, in-Nikaragwa, is-Sirja u Nauru li jirrikonoxxu lill-Abkażja u lill-Ossezja tan-Nofsinhar, u jistedinhom jirtiraw dan ir-rikonoxximent;

4.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Federazzjoni Russa tissodisfa bla kundizzjonijiet id-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'mod partikolari l-impenn li tirtira l-forzi militari kollha tagħha mit-territorju tal-Georgia;

5.

Jesiġi li l-Federazzjoni Russa twaqqaf l-okkupazzjoni tagħha tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgja u l-invjolabbiltà tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u ttemm l-integrazzjoni de factotaż-żewġ reġjuni fl-amministrazzjoni Russa;

6.

Jikkonferma l-impenn qawwi tal-UE li tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia, bl-użu tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha bħala parti minn approċċ komprensiv, inklużi r-Rappreżentant Speċjali tagħha għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia, il-kopresidenza tagħha tad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, l-EUMM fil-Georgia u l-politika ta' nonrikonoxximent u ta' impenn;

7.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jkompli jikkoopera mal-QKI billi jiffaċilita l-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI, kif ukoll billi jiżgura li r-Reġistru tal-QKI jkun jista' jwettaq il-mandat tiegħu f'termini ta' sensibilizzazzjoni u parteċipazzjoni tal-vittmi;

8.

Jistieden lill-Federazzjoni Russa tippermetti lill-EUMM tikseb aċċess inkondizzjonat għat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif previst mill-mandat tagħha; ifakkar li l-EUMM hija l-unika preżenza internazzjonali permanenti fuq il-post u li din tipprovdi informazzjoni imparzjali dwar is-sitwazzjoni tul il-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva, u jitlob li l-mandat tagħha jiġi estiż lil hinn mill-14 ta' Diċembru 2018;

9.

Jistieden lill-Federazzjoni Russa twaqqaf il-frunterizzazzjoni ulterjuri tal-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva, li hija qed tipprova tikseb bl-installazzjoni ta' ħitan tal-barbed wire u ta' ostakoli artifiċjali oħrajn; jitlob ukoll li jintemmu l-indħil fit-territorju kkontrollat mill-Gvern tal-Georgia u l-estensjoni ulterjuri tal-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva, li intenzjonalment qed jostakolaw il-kuntatt bejn il-persuni u qed jiżolaw il-popolazzjoni taż-żewġ territorji okkupati;

10.

Jikkundanna l-qerda intenzjonata ta' għexieren ta' rħula u knejjes Georgjani fit-territorji okkupati tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif ukoll it-tentattiv intenzjonat li jitħassru t-traċċi tal-kultura u l-istorja tal-Georgja fit-territorji okkupati, u jikkundanna inizjattivi li jiffavorixxu l-antagoniżmu u l-firda bħall-hekk imsejjaħ referendum tal-2017 li japprova bidla fl-isem tar-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar;

11.

Jistieden lill-Federazzjoni Russa taderixxi mal-prinċipju tar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, billi tirreċiproka l-impenn unilaterali tal-Georgia li ma tużax il-forza, kif sostna l-President tal-Georgia fid-diskors tiegħu lill-Parlament Ewropew fit-23 ta' Novembru 2010;

12.

Jilqa' l-inizjattiva ta' paċi l-ġdida tal-Gvern tal-Georgia intitolata "Pass lejn Ġejjieni Aħjar", immirata lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u umanitarji tal-persuni li jgħixu fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif ukoll lejn it-trawwim tal-kuntatt bejn il-persuni u lejn it-tkattir tal-fiduċja bejn il-komunitajiet maqsumin;

13.

Ifakkar lill-Federazzjoni Russa li, bħala potenza okkupanti, għandha obbligi lejn il-popolazzjoni u li jeħtiġilha ttemm il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment u ta' residenza, id-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' etniċità u l-ksur tad-dritt għall-proprjetà u l-aċċess għall-edukazzjoni bil-lingwa materna fit-territorji okkupati tal-Georgia;

14.

Jistieden, barra minn hekk, lill-Federazzjoni Russa ttemm l-impunità u d-delitti b'motivazzjoni etnika fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar u tneħħi kwalunkwe ostakolu sabiex jiġi żgurat li l-awturi tal-qtil illegali tal-Georgjani spostati internament Archil Tatunashvili, Giga Otkhozoria u Davit Basharuli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

15.

Jilqa' l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni bipartitika min-naħa tal-Parlament tal-Georgia li tistabbilixxi "lista sewda"ta' persuni responsabbli minn dan il-ksur jew mill-ħabi tiegħu (lista Otkhozoria-Tatunashvili) u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill jinkludu f'lista sewda lill-persuni li jidhru jew li għandhom mnejn jidhru fuq il-lista Otkhozoria-Tatunashvili u jimponu sanzjonijiet fuqhom kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE;

16.

Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tippermetti r-ritorn sikur u dinjituż tal-persuni spostati internament u r-rifuġjati lejn djarhom u tiżgura aċċess mingħajr xkiel fuq il-post għall-mekkaniżmi internazzjonali inkarigati mill-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem;

17.

Itenni l-kundanna tiegħu fil-konfront tal-politiki sovversivi ta' propaganda, diżinformazzjoni u infiltrazzjoni tal-midja soċjali maħsuba biex idgħajfu d-demokrazija u s-soċjetà fil-Georgia billi jiskreditaw l-istituzzjonijiet, jimmanipulaw l-opinjoni pubblika, ixerrdu narrattivi foloz, ikebbsu t-tensjonijiet soċjali u jrawmu sfiduċja ġenerali fil-midja; jikkundanna, f'dan il-kuntest, il-gwerra tal-informazzjoni li qed twettaq ir-Russja, li qed tuża l-istabbilimenti tal-midja kkontrollati mill-istat tagħha biex deliberatament ixxandar aħbarijiet foloz bil-għan li tinfluwenza l-politika lokali u timmina l-proċessi tal-integrazzjoni Ewropea;

18.

Jenfasizza li l-komunità internazzjonali jeħtiġilha tieħu pożizzjoni konsistenti, koordinata, magħquda u soda kontra l-politika ta' okkupazzjoni u annessjoni tar-Russja bħala l-uniku mezz biex ikunu żgurati r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt fil-Georgia u l-prevenzjoni ta' kunflitti simili fl-inħawi;

19.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw approċċ konsistenti ma' dak tal-Parlament Ewropew u l-politiki tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri billi jużaw termini aktar ċari u preċiżi huma u jiddefinixxu l-aggressjoni tar-Russja fil-Georgja bħala okkupazzjoni mill-Federazzjoni Russa tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1)  ĠU C 11, 12.1.2018, p. 82.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2017)0493.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2017)0440.


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/101


P8_TA(2018)0267

In-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija ġdid UE-AKP

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar in-negozjati li jmiss għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (2018/2634(RSP))

(2020/C 28/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-"Ftehim ta' Cotonou"), u r-reviżjonijiet tiegħu tal-2005 u l-2010 (1),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Georgetown tal-1975 li stabbilixxa l-Grupp AKP, u r-reviżjoni tiegħu tal-1992 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020 (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (4),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta' Diċembru 2017 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (COM(2017)0763),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-22 ta' Novembru 2016 dwar "Sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku"(JOIN(2016)0052),

wara li kkunsidra d-dokument ta' konsultazzjoni konġunt tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-6 ta' Ottubru 2015 bit-titlu "Lejn sħubija ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku wara l-2020"(JOIN(2015)0033),

wara li kkunsidra s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument finali adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titlu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development"(Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli) u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-7 ta' Ġunju 2017 tal-Parlament, tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, u tal-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew il-Ġdid għall-Iżvilupp – id-Dinja Tagħna, id-Dinjità Tagħna, il-Futur Tagħna,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-7 ta' Diċembru 2017 dwar sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, u tat-12 ta' Mejju 2016 dwar il-futur tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Grupp ta' pajjiżi AKP,

wara li kkunsidra s-seba' u t-tmien Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-pajjiżi AKP li saru f'Malabo (13-14 ta' Diċembru 2012) u f'Port Moresby (4 ta' Mejju 2016) rispettivament,

wara li kkunsidra l-103 u l-105 laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri Konġunt AKP-UE li saru f'Dakar (26-27 ta' April 2016) u fi Brussell (3-4 ta' Mejju 2017) rispettivament,

wara li kkunsidra s-Summit UE-Unjoni Afrikana, li sar f'Abidjan mid-29 sat-30 ta' Novembru 2017,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Persuni Eminenti tal-AKP ta' Marzu 2016 dwar il-futur tal-AKP wara l-2020,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (5),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-tmien Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Grupp ta' Stati AKP tal-1 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2015 dwar il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE (6) u r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-21 ta' Diċembru 2016 dwar id-dimensjoni parlamentari tar-relazzjonijiet AKP-UE ta' wara l-Ftehim ta' Cotonou (7),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Diċembru 2015 tal-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE (8),

wara li kkunsidra l-Artikoli 208 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet,

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar in-negozjati li jmiss għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (O-000043/2018 – B8-0025/2018 u O-000044/2018 – B8-0026/2018),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi s-saħħa u l-acquis tal-Ftehim ta' Cotonou huma bbażati fuq għadd ta' karatteristiċi uniċi, bħan-natura ġuridikament vinkolanti tiegħu, il-kompletezza tat-tliet pilastri tiegħu: il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kooperazzjoni politika u l-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali, u l-baġit kbir tiegħu fil-forma tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ);

B.

billi s-sħubija AKP-UE kellha rwol importanti fil-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), minkejja li l-UE ma rnexxilhiex tilħaq l-objettiv li talloka 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħha għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA);

C.

billi s-sħubija AKP-UE tat kontribut sinifikanti għall-qerda tal-faqar, għall-integrazzjoni tal-Istati AKP fl-ekonomija globali, u bħala attur globali aktar effikaċi fil-kummerċ multilaterali u fin-negozjati dwar il-klima;

D.

billi s-sħubija AKP-UE tejbet l-aċċess għas-suq għall-Istati AKP u għall-Istati Membri tal-UE u ppromoviet fehim reċiproku akbar tal-pożizzjonijiet, il-valuri u n-normi permezz ta' djalogu politiku bejniethom;

E.

billi, għalkemm is-sħubija AKP-UE tat kontribut kbir għall-avvanz tal-MDGs, s'issa l-progress lejn l-għanijiet tal-qerda tal-faqar u l-integrazzjoni tal-Istati AKP fl-ekonomija dinjija għadu insuffiċjenti, minħabba li nofs l-Istati AKP għadhom fost il-pajjiżi l-inqas żviluppati u peress li flimkien jirrappreżentaw inqas minn 5 % tal-kummerċ dinji u madwar 2 % tal-PDG globali;

F.

billi l-ħolqien tal-Unjoni Afrikana, l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika, l-Istrateġija ta' Sħubija Konġunta UE-Karibew u l-Istrateġija UE-Paċifiku huma eżempju tal-approċċ dejjem aktar reġjonali tal-UE biex tindirizza kwistjonijiet ta' interess u tħassib komuni, bħall-paċi u s-sigurtà, it-terroriżmu u l-migrazzjoni;

G.

billi l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà politika huma prerekwiżiti għall-iżvilupp sostenibbli;

H.

billi l-bażi komuni u l-patti reġjonali jridu jqisu l-ispeċifiċitajiet reġjonali u kontinentali, skont il-prinċipji ta' sussidjarjetà u komplementarjetà;

I.

billi l-Istati AKP identifikaw tliet pilastri għan-negozjati, jiġifieri:

il-kummerċ, l-investiment u s-servizzi,

il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, ix-xjenza u t-teknoloġija, u r-riċerka u l-innovazzjoni,

id-djalogu u s-sostenn politiku;

J.

billi d-djalogu politiku dwar l-elementi essenzjali, kif imsemmi fl-Artikoli 8 u 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, huwa mezz konkret u ġuridiku li bih jitħarsu l-valuri komuni tas-sħubija AKP-UE u jkunu promossi d-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, li huma fundamentali għal żvilupp sostenibbli;

K.

billi hemm bżonn ċar li tinżamm il-kundizzjonalità marbuta mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u li jissaħħaħ id-djalogu politiku fil-ftehim il-ġdid;

L.

billi minkejja rikonoxximent ċar tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali, tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat fil-Ftehim ta' Cotonou wara r-reviżjoni tiegħu tal-2010, il-parteċipazzjoni tagħhom fid-deliberazzjonijiet dwar il-politiki u l-attivitajiet AKP-UE, fosthom fil-programmazzjoni, is-segwitu u l-valutazzjoni, kienet limitata;

M.

billi d-djalogu politiku sar l-aktar fi stadju avvanzat tal-kriżijiet politiċi u mhux b'mod preventiv;

N.

billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jiffaċċjaw leġiżlazzjoni dejjem aktar restrittiva kif ukoll ostakli oħrajn li jillimitaw l-attivitajiet u l-ispazju tagħhom;

O.

billi kapaċità teknika f'bosta stati tal-AKP biex jimmaniġġjaw kwistjonijiet fil-qasam tat-tassazzjoni jikkostitwixxi restrizzjoni kemm għall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku kif ukoll għall-parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni internazzjonali tat-taxxa;

P.

billi l-FEŻ huwa ffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet diretti mill-Istati Membri tal-UE u mhuwiex suġġett għar-regoli baġitarji normali tal-UE; billi l-Parlament m'għandu l-ebda poter fuq il-baġit tal-FEŻ ħlief billi jagħti l-kwittanza għall-iżborżi li diġà jkunu saru, u lanqas m'għandu drittijiet ta' skrutinju formali fuq il-programmazzjoni tal-FEŻ;

Q.

billi r-rinforz tad-dimensjoni parlamentari tas-sħubija AKP-UE kif ukoll it-tisħiħ tar-rwol konsultattiv tiegħu għandhom ikunu element fundamentali tas-sħubija l-ġdida;

R.

billi l-frekwenza u d-diversità tal-laqgħat tal-AKP-UE Assemblea Parlamentari Konġunta (APK) ppermettew li jsir djalogu konsistenti bejn il-Parlament Ewropew u l-Membri AKP, u b'hekk ġiet ikkonsolidata l-leġittimità tagħha u ssaħħet id-diplomazija parlamentari; billi l-APK serviet bħala mudell ta' diplomazija parlamentari f'diversi fora politiċi;

1.

Jilqa' pożittivament l-aspetti ewlenin u l-arkitettura ġenerali tal-kooperazzjoni futura bejn il-Grupp ta' Stati AKP u l-Unjoni Ewropea proposta mill-Kummissjoni fir-rakkomandazzjoni tagħha għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija futur;

2.

Jinsisti li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-SDGs u l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp iridu jkunu fil-qalba tas-sħubija AKP-UE mġedda;

3.

Jilqa' l-fatt li l-ilħuq tal-SDGs jitqies bħala objettiv ewlieni, iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' miżuri konkreti ta' implimentazzjoni fil-patti proposti; jisħaq fuq il-ħtieġa għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet trasversali bħas-sostenibbiltà ambjentali, l-objettivi dwar it-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet dwar il-ġeneru u l-ġustizzja soċjali fil-politiki kollha, il-pjanijiet u l-interventi tal-ftehim futur;

4.

Jilqa' l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni għal ftehim ta' sħubija ġdid hija miftuħa għas-sħab esterni;

5.

Ifakkar li l-ewwel l-SDG huwa l-qerda tal-faqar, li tibqa' problema ewlenija fil-biċċa l-kbira tal-Istati AKP; jisħaq fuq il-fatt, għalhekk, li l-ġlieda kontra l-faqar trid tibqa' element ċentrali tal-ftehim futur;

6.

Josserva li l-Kummissjoni qieset, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-pożizzjoni tal-Parlament u li l-bażi komuni u l-patti reġjonali se jkunu ġuridikament vinkolanti b'mod indaqs, kif mitlub mill-Parlament;

7.

Ifakkar li l-ftehim ta' sħubija futur se jinkludi l-prinċipji ta' ekwità, ir-rispett reċiproku u l-interess reċiproku;

8.

Jinsisti li l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou, jiġifieri r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt u l-governanza tajba jinżammu bħala bażi għall-kooperazzjoni ta' wara l-2020 u jkunu parti integrali mill-ftehim kostituttiv u mill-patti u l-protokolli reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkludu b'mod espliċitu, fil-parti tal-mandat li tirrigwarda d-drittijiet tal-bniedem, in-nondiskriminazzjoni għal raġunijiet ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età, orjentazzjoni jew identità sesswali, kif ukoll is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, kif previsti mill-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tal-1995 u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami;

9.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza abbażi tal-istrumenti ġuridiċi, il-liġijiet, il-prinċipji u l-mekkaniżmi internazzjonali eżistenti stabbiliti mill-korpi ta' governanza reġjonali u pan-Afrikani, bil-għan li jissaħħaħ is-sens ta' appartenenza;

10.

Ifakkar li s-sħubija futura bejn l-Istati AKP u l-Istati Membri tal-UE trid tinkorpora l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħha fil-livelli kollha;

11.

Jistieden lin-negozjaturi tal-UE u tal-AKP jinkludu dispożizzjoni ċara dwar l-implimentazzjoni sħiħa tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali min-naħa tal-partijiet kollha fil-bażi kostituttiva komuni tal-ftehim;

12.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata koerenza bejn il-prinċipji stabbiliti fil-parti kostituttiva komuni u fil-prijoritajiet reġjonali ddefiniti fil-patti, u jenfasizza li l-parti kostituttiva għandha tinkludi referenza espliċita għall-mekkaniżmi ta' monitoraġġ, rieżami u responsabbiltà f'każ ta' nonkonformità; jenfasizza li għandha tiġi żgurata wkoll ir-responsabbiltà tal-partijiet fil-konfront taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili, u li l-istituzzjonijiet konġunti għandhom jipprevedu mekkaniżmi li jippermettu lis-soċjetà ċivili u liċ-ċittadini jirrapurtaw każijiet ta' ksur tal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem u elementi essenzjali oħrajn;

13.

Itenni lill-partijiet kollha fin-negozjati li d-djalogu politiku huwa parti fundamentali mill-Ftehim ta' Cotonou u li dan irid jibqa' pilastru ċentrali u ġuridiku fil-qafas ġenerali u fil-livell reġjonali tal-ftehim il-ġdid;

14.

Jissottolinja li d-djalogu politiku huwa parti integrali mis-sħubija u bażi siewja għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-popli fil-pajjiżi sħab; jappella, għaldaqstant, għal titjib fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi u jenfasizza li l-monitoraġġ irid ikun inklużiv, trasparenti u parteċipattiv; jenfasizza l-importanza tal-involviment sinifikattiv tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha tad-djalogu;

15.

Ifakkar li d-djalogu politiku jrid ikun bilanċjat u msejjes fuq ir-rispett reċiproku;

16.

Jenfasizza li l-kooperazzjoni AKP-UE għandha tipprevedi mekkaniżmu ta' rieżami bejn il-pari rigward il-progress u l-lakuni fl-implimentazzjoni tal-SDGs fuq bażi regolari, bl-involviment tal-parlamenti, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, kif ukoll evalwazzjoni regolari u rappurtar pubbliku dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u elementi essenzjali oħrajn; jemmen li, biex tkun effikaċi, l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u tal-SDGs teħtieġ leġittimità, prossimità, sussidjarjetà u livell għoli ta' parteċipazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet lokali u l-atturi mhux statali; jappella għal komunikazzjoni u djalogu aħjar sabiex ir-relazzjoni bejn il-pajjiżi AKP u l-pajjiżi tal-UE tkun aktar profonda;

17.

Itenni li l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSEs) jikkostitwixxu bażi għal kooperazzjoni reġjonali u huma strumenti għall-iżvilupp u l-integrazzjoni reġjonali; jitlob, għalhekk, l-integrazzjoni sħiħa tagħhom tal-Ftehim AKP-UE ġdid;

18.

Jitlob li tissaħħaħ l-influwenza politika tas-sħubija AKP-UE fix-xena globali, b'tali mod li s-sħab ikollhom rwol aktar effikaċi globalment;

19.

Jitlob li l-ftehim futur ikun fih dispożizzjonijiet ċari li jirregolaw ir-rwol u r-responsabbiltajiet tas-settur privat; jenfasizza l-ħtieġa, b'mod partikolari, li l-intrapriżi involuti fi sħubijiet għall-iżvilupp jirrispettaw il-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġetti, inkluż billi jirrispettaw il-Patt Globali tan-NU, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-istandards fundamentali tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-istandards ambjentali u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li kemm l-Istati tal-UE kif ukoll l-Istati tal-AKP jfasslu pjanijiet nazzjonali biex jimplimentaw il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar id-diliġenza dovuta;

20.

Ifakkar li l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi domestiċi permezz tat-tassazzjoni tikkostitwixxi l-aktar sors importanti ta' dħul għall-finanzjament tal-iżvilupp sostenibbli; jiddispjaċih li l-miżuri biex jiġu miġġielda l-flussi finanzjarji illeċiti u l-evażjoni tat-taxxa ma jingħatawx post prominenti fl-abbozz ta' mandat; jistieden lill-partijiet fin-negozjati jinkludu fil-ftehim il-ġdid dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar l-għajnuna finanzjarja u teknika lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ikampaw ma' standards globali emerġenti għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, inkluż l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, informazzjoni dwar sjieda benefiċjarji ta' kumpaniji u dwar rapportar pubbliku pajjiż b'pajjiż ta' kumpaniji multinazzjonali biex titwaqqaf l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt, abbażi tal-mudelli tal-G20 u tal-OECD; jistieden barra minn hekk lill-partijiet jimpenjaw ruħhom li jappoġġaw il-ħolqien ta' korp intergovernattiv legalment vinkolanti tan-NU dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tat-taxxa;

21.

Jiddispjaċih li l-abbozz tal-mandat ta' negozjar ma jipprevedi l-ebda dispożizzjoni li tiżgura dimensjoni ta' żvilupp sostenibbli għall-agrikoltura, minkejja l-isfidi enormi li jiffaċċjaw il-bdiewa fil-pajjiżi AKP minħabba t-tibdil fil-klima; jistieden lill-partijiet fin-negozjati jinkludu skemi ta' appoġġ għal prattiki agrikoli sostenibbli fil-ftehim il-ġdid;

22.

Jitlob li s-soċjetà ċivili tkun involuta aktar fid-djalogu politiku, il-programmazzjoni u l-implimentazzjoni, u li tingħata aktar appoġġ għall-bini tal-kapaċità; jissottolinja li l-involviment tas-soċjetà ċivili fid-djalogu politiku huwa importanti, partikolarment fil-każ tal-gruppi lokali affettwati direttament mill-politiki; jissottolinja, f'dan ir-rigward, it-theddida ta' spazju dejjem iżgħar għas-soċjetà ċivili f'xi pajjiżi, u l-ħtieġa li jiġu inklużi gruppi bħall-minoranzi, iż-żgħażagħ u n-nisa li ma jistgħux jorganizzaw l-interessi tagħhom jew li, minkejja interess demokratiku leġittimu, mhumiex rikonoxxuti mill-gvern tagħhom;

23.

Jenfasizza li l-involviment tas-soċjetà ċivili għandu jinbena fuq ir-rikonoxximent tar-rwoli differenti li tiżvolġi, u li r-rwol tagħha bħala protagonista fil-ftehim għandu jiżdied;

24.

Jissottolinja li l-prinċipji ta' kooperazzjoni effikaċi għall-iżvilupp iridu jkunu inkorporati bis-sħiħ fil-ftehim ta' sħubija AKP-UE l-ġdid u li jridu jkunu previsti dispożizzjonijiet li jiżguraw li s-sjieda tal-pajjiżi, l-enfasi fuq ir-riżultati, l-inklużività tal-proċess ta' żvilupp, it-trasparenza u r-responsabbiltà reċiproka jkunu l-pedamenti tal-ftehim u tal-protokolli reġjonali; jissottolinja li hemm bżonn jiġi żgurat approċċ ġeografiku bilanċjat għall-allokazzjoni tal-għajnuna b'enfasi sostanzjali fuq il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-istati fraġli; iqis li l-allokazzjoni tal-għajnuna m'għandhiex tiddependi mill-kooperazzjoni mal-UE dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni, għax dan mhuwiex kompatibbli mal-prinċipji maqbula dwar l-effikaċja tal-iżvilupp;

25.

Jenfasizza li l-kooperazzjoni/s-sħubija l-ġdida bejn l-UE u l-AKP għandha tiżgura azzjoni konġunta aktar effikaċi biex jiġu indirizzati l-isfidi differenti li tiffaċċja d-dinja llum, bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

26.

Itenni li l-ftehim futur irid joffri opportunità biex jitjiebu l-impenji u r-rispett fir-rigward tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) u għandu jinkludi mekkaniżmi għall-monitoraġġ sistematiku tal-PCD; ifakkar, f'dan ir-rigward, ir-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE fil-promozzjoni tal-PCD u jenfasizza li hemm bżonn jidħlu fi djalogu fuq bażi regolari fil-livell tal-pajjiżi;

27.

Jissottolinja l-importanza tal-investiment mis-settur privat, li jiffaċilita l-iżvilupp fit-tul tas-swieq tal-kapital lokali u joħloq effett ta' lieva fuq il-baġits limitati tal-ODA sabiex jiġi massimizzat l-impatt u jiġu ffinanzjati l-SDGs;

28.

Itenni l-importanza li tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari tal-ftehim futur, u b'hekk ikun garantit poter konsultattiv reali għall-Assemblea Parlamentari Konġunta ġenerali futura u jiġi żgurat li jitħalla lok għal djalogu parlamentari miftuħ, demokratiku u komprensiv; jitlob li l-awtonomija ġuridika u operattiva tagħha tkun garantita; jesiġi li l-Assemblea Parlamentari Konġunta tkun assoċjata mill-qrib mal-implimentazzjoni tal-ftehim u li tiġi kkonsultata regolarment f'kull kwistjoni ta' importanza għas-sħubija; jemmen li l-Assemblea Parlamentari Konġunta għandha tkun involuta bis-sħiħ fin-negozjati dwar is-sħubija futura;

29.

Jitlob li jsiru aktar sforzi biex jittejjeb l-iskrutinju tal-programmazzjoni tal-iżvilupp min-naħa tal-Assemblea Parlamentari Konġunta;

30.

Jinsab konvint li hemm bżonn ta' laqgħat regolari fil-livell tal-AKP-UE, tal-inqas darba fis-sena, sabiex jiġu żgurati l-kontinwità u l-istabbiltà tas-sħubija u jingħata lok għal rappurtar regolari u evalwazzjonijiet bejn il-pari dwar il-progress fit-twettiq tal-SDGs u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u elementi essenzjali oħra tal-ftehim, kif mitlub mill-Parlament;

31.

Jirrakkomanda, għalhekk, li l-Assemblea Parlamentari Konġunta tkun allinjata mal-istruttura reġjonali l-ġdida, filwaqt li l-attenzjoni tibqa' fuq il-ħidma fil-fora reġjonali bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali; iqis li l-Kunsill AKP-UE u l-Assemblea Parlamentari Konġunta għandhom jiltaqgħu regolarment, iżda inqas ta' spiss mil-lum, f'sessjoni plenarja, daqqa fl-UE u daqqa fi Stat tal-AKP, iżda li s-sessjoni m'għandhiex tiddependi fuq jissejjaħx jew le l-Kunsill; jistieden lill-Istat Membru tal-UE li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE jinvolvi ruħu b'mod aktar profond f'dak li għandu x'jaqsam mat-tħejjija, l-organizzazzjoni u fejn isiru s-sessjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta;

32.

Jitlob li mill-inqas darba fis-sena jiġu organizzati f'kull reġjun laqgħat bejn Membri Parlamentari mill-UE u mill-AKP fil-livell ta' patti reġjonali, li jkunu akkumpanjati minn forum multilaterali li jinvolvi atturi mhux statali, inklużi s-soċjetà ċivili, iż-żgħażagħ u s-settur privat;

33.

Jinsab konvint li l-Parlament Pan-Afrikan jeħtieġ isir pilastru sod fil-kuntest tal-patt UE-Afrika li ġej, partikolarment fil-konfront tal-kunsill UE-Afrika u pari passu miegħu; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-kontropartijiet tal-AKP tagħha jippubblikaw proposti testwali dwar id-dimensjoni parlamentari u r-rwol tal-Parlament Pan-Afrikan fil-fażijiet inizjali tan-negozjati u jikkonsultaw mal-Parlament Pan-Afrikan u mal-Parlament Ewropew rispettivament f'dan is-sens;

34.

Ifakkar li l-Parlament Ewropew jeħtieġ jinżamm infurmat bis-sħiħ u minnufih fil-fażijiet kollha tal-proċedura tan-negozjati, f'konformità mal-Artikolu 218(10) tat-TFUE, u jtenni l-bżonn ta' qbil dwar it-titjib tal-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-ftehimiet internazzjonali; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, barra minn hekk, jinfurmaw lill-Assemblea Parlamentari Konġunta bis-sħiħ u fil-pront fir-rigward tan-negozjati;

35.

Jistieden lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jippubblika l-mandat kif adottat mill-Kunsill; jistieden lill-Grupp ta' Stati AKP jagħmlu l-istess għall-mandat tagħhom;

36.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill AKP, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni ta' l-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan u lill-Bureau ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1)  http://www.europarl.europa.eu/intcoop/acp/03_01/pdf/mn3012634_en.pdf

(2)  http://www.wipo.int/edocs/trtdocs/en/acp/trt_acp_3.pdf

(3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0371.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2016)0437.

(5)  ĠU C 349, 17.10.2017, p. 11.

(6)  ĠU C 310, 25.8.2016, p. 19.

(7)  ĠU C 170, 30.5.2017, p. 36.

(8)  http://www.europarl.europa.eu/intcoop/acp/2015_acp2/pdf/1081264en.pdf


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/108


P8_TA(2018)0268

Monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2016 (2017/2273(INI))

(2020/C 28/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2 u 3 tiegħu,

wara li kkunsidra t-33 Rapport Annwali mill-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea (2015) (COM(2016)0463),

wara li kkunsidra l-34 Rapport Annwali mill-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea (2016) (COM(2017)0370),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni bit-titlu "Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Proġett "EU Pilot""(COM(2010)0070),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titlu "It-Tieni Rapport ta' Evalwazzjoni dwar l-EU Pilot"(COM(2011)0930),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2016 bit-titlu "Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE: Rapport annwali 2014" (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016, bit-titlu "Id-Dritt tal-UE: Riżultati Aħjar permezz ta' Applikazzjoni Aħjar"(C(2016)8600),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2002 dwar ir-relazzjonijiet mal-kwelerant fil-qasam tal-ksur tad-dritt Komunitarju (COM(2002)0141),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2012 bit-titlu "L-aġġornament tal-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni"(COM(2012)0154),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 dwar Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt (COM(2014)0158),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titlu "Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE"(COM(2015)0215),

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE tat-28 ta' Mejju 2001 li tistabbilixxi Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali (3),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar it-30 u l-31 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2012-2013) (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2016 għal amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti (7) u r-riżoluzzjoni tal-15 ta' Jannar 2013 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Liġi ta' Proċedura Amministrattiva tal-Unjoni Ewropea (8);

wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2016 dwar it-twassil tal-benefiċċji tal-politiki ambjentali tal-UE permezz ta' Analiżi regolari tal-Implimentazzjoni Ambjentali (COM(2016)0316) u tat-3 ta' Frar 2017 bit-titlu "L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE: L-isfidi ewlenin u kif se ngħaqqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar"(COM(2017)0063),

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0197/2018),

A.

billi l-Artikolu 17 tat-TUE jiddefinixxi r-rwol fundamentali tal-Kummissjoni bħala l-gwardjana tat-Trattati;

B.

billi l-Artikolu 2 tat-TUE jistipula li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; u billi l-implimentazzjoni xierqa tad-dritt tal-UE hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-UE definiti fit-Trattati u fil-leġiżlazzjoni sekondarja; billi l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jagħti lill-Unjoni l-kompitu li telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha;

C.

billi, skont l-Artikolu 2 tat-TUE u l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"), l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija wieħed mill-valuri ewlenin li fuqhom hija msejsa l-UE, u billi, fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li tiġġieled kull forma ta' diskriminazzjoni, telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi opportunitajiet indaqs u trattament ugwali;

D.

billi l-Artikolu 3 tat-TUE jistipula li l-għanijiet tal-Unjoni huma, inter alia, il-promozzjoni tal-paċi, il-valuri tagħha u l-benesseri tal-popli tagħha u l-ħidma favur l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa msejjes fuq tkabbir ekonomiku ekwilibrat u l-istabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija tas-suq soċjali kompettittiva ħafna, li timmira lejn l-impjieg sħiħ u l-progress soċjali, u livell għoli ta' ħarsien u titjib tal-kwalità tal-ambjent, u li l-Unjoni għandha tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-ħarsien soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tal-drittijiet tal-minorenni,

E.

billi, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni ċara u preċiża dwar il-mod li bih jittrasponu d-direttivi tal-UE fid-dritt nazzjonali; billi, skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri (9) u d-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tas-27 ta' Ottubru 2011 tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (10), l-Istati Membri jistgħu, meta jinnotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali lill-Kummissjoni, ikunu obbligati wkoll jipprovdu dokumenti li jispjegaw kif ittrasponew id-direttivi fid-dritt nazzjonali;

F.

billi skont l-Artikolu 4(3) tat-TUE u l-Artikoli 288(3) u 291(1) tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja li jittrasponu, japplikaw u jimplimentaw id-dritt tal-UE b'mod korrett u fiż-żmien previst, kif ukoll li jipprovdu rimedji suffiċjenti biex jiżguraw il-protezzjoni legali effikaċi fl-oqsma koperti mid-dritt tal-UE;

G.

billi l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE tiggarantixxi l-benefiċċji tal-politiki tal-Unjoni liċ-ċittadini Ewropej kollha u kundizzjonijiet ekwi għan-negozji;

H.

billi, wara l-adozzjoni f'Diċembru 2016 tal-komunikazzjoni tagħha bit-titlu "Id-dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar", il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkonċentra fuq każijiet fejn l-Istati Membri jonqsu milli jikkomunikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni, fejn dawk il-miżuri jittrasponu direttivi b'mod inkorrett, jew fejn l-Istati Membri jonqsu milli jikkonformaw ma' sentenza tal-QtĠ-UE (skont l-Artikolu 260(2) tat-TFUE), u jikkawżaw dannu serju lill-interessi finanzjarji tal-UE jew jidħlu fuq is-setgħat esklużivi tal-UE;

I.

billi, skont l-Artikolu 6(1) tat-TUE, il-Karta għandha l-istess valur legali tat-Trattati, u hija indirizzata lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji tal-Unjoni u tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 51(1) tal-Karta);

J.

billi l-proċeduri tal-EU Pilot huma maħsuba għal kooperazzjoni eqreb u aktar koerenti bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex ikun hemm rimedju, permezz ta' djalogu bilaterali, għall-ksur tad-dritt tal-UE fi stadju bikri sabiex, kulfejn ikun possibbli, jiġu evitati proċedimenti formali għal ksur;

K.

billi huwa neċessarju – b'reazzjoni għad-defiċit demokratiku attwali u b'referenza għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali – li jiġi stabbilit mekkaniżmu ġdid li jipprovdi qafas uniku u koerenti msejjes fuq l-istrumenti u l-mekkaniżmi eżistenti, li għandu jiġi applikat b'mod uniformi għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE u għall-Istati Membri kollha;

L.

billi, madankollu, skont il-politiki l-ġodda adottati mill-Kummissjoni biex tiżgura l-konformità mad-dritt tal-UE, l-għan tal-EU Pilot mhuwiex li l-proċedura ta' ksur tittawwal, li minnu nnifsu huwa mezz biex wieħed jidħol fi djalogu ma' Stat Membru għas-soluzzjoni tal-problemi;

M.

billi, sabiex tiżgura approċċ aktar strateġiku u effikaċi tal-infurzar biex tittratta l-każijiet ta' ksur, il-Kummissjoni ddeċidiet, kif indikat fil-komunikazzjoni tagħha bit-titlu "Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar", li tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur mingħajr ma toqgħod fuq il-mekkaniżmu tal-EU Pilot, dment li l-użu tiegħu ma jitqisx utli f'każ partikolari;

N.

billi fl-2016 il-Kummissjoni rċeviet 3 783 ilment ġdid li rrapportaw dwar possibbiltajiet ta' ksur tad-dritt tal-UE, u l-Istati Membri li kontrihom tressqu l-aktar ilmenti kienu l-Italja (753), Spanja (424) u Franza (325);

O.

billi, skont l-Artikolu 258(1) u (2) tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni motivata lil Stat Membru meta tqis li dan ikun naqas minn obbligu skont it-Trattati, u tista' ġġib il-każ quddiem il-QtĠ-UE jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mal-opinjoni fi żmien data ta' skadenza stabbilita mill-Kummissjoni;

P.

billi fl-2016, il-Kummissjoni nediet 847 proċedura ġdida ta' ksur għal traspożizzjoni tard tad-direttivi;

Q.

billi fl-2016, 95 każ ta' ksur kienu għadhom miftuħin u b'reazzjoni għal dan il-QtĠ-UE ddeċidiet dwar in-nuqqas ta' konformità min-naħa tal-Istati Membri involuti;

R.

billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tippreżenta sa Settembru 2017, fuq il-bażi tal-Artikolu 295 tat-TFUE, proposta għall-konklużjoni ta' Patt tal-Unjoni għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-Patt tal-UE għad-DRF) fil-forma ta' ftehim interistituzzjonali li jistabbilixxi arranġamenti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-qafas tal-Artikolu 7 tat-TUE;

S.

billi l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jipprevedi l-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar il-proċeduri ta' ksur kollha bbażati fuq l-ittri ta' intimazzjoni, iżda ma jkoprix il-proċedura informali tal-EU Pilot li tippreċedi l-ftuħ tal-proċeduri ta' ksur formali;

T.

billi l-Artikolu 41 tal-Karta jiddefinixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala d-dritt ta' kull persuna li l-kwistjonijiet li jirrigwardawha jiġu ttrattati b'mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli min-naħa tal-istituzzjonijiet, u billi l-Artikolu 298 tat-TFUE jistipula li, fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti;

U.

billi fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta' Frar 2017 dwar ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR), il-Kummissjoni ssostni li stabbiliet djalogu strutturat u komprensiv mal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u, mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta' infurzar tagħha skont it-Trattati tal-UE, toffri li tiffaċilita l-isforzi tal-Istati Membri permezz ta' qafas ġdid iddedikat;

V.

billi l-Artikolu 157 tat-TFUE jippermetti li l-leġiżlazzjoni tiġġieled kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluża dik ibbażata fuq il-ġeneru, u l-Artikolu 19 tiegħu jabilita dan;

W.

billi l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom, fid-Dikjarazzjoni Nru 19 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adotta t-Trattat ta' Lisbona, fil-ġlieda "kontra kull xorta ta' vjolenza domestika […], sabiex jipprevjenu u jikkastigaw dawn l-atti kriminali kif ukoll sabiex jappoġġaw u jipproteġu lill-vittmi";

X.

billi l-leġiżlazzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari tan-nisa u t-tfal, ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 79 u 83 tat-TFUE; billi l-Programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza jiffinanzja, fost affarijiet oħra, miżuri li jikkontribwixxu għall-eradikazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa;

Y.

billi għadd ta' direttivi tal-UE, b'mod partikolari dawk iffukati fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhux qed jiġu implimentati kif suppost f'għadd ta' Stati Membri, u dan iħalli lil nies ta' ġeneri differenti mingħajr protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-aċċess għall-impjiegi, għall-oġġetti u għas-servizzi;

Z.

billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru tinkroċja ma' tipi oħra ta' diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-razza u l-etniċità, ir-reliġjon, id-diżabbiltà, is-saħħa, l-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-età u/jew il-kundizzjoni soċjoekonomika;

AA.

billi 33 % tan-nisa fl-UE esperjenzaw vjolenza fiżika u/jew vjolenza sesswali u 55 % ġarrbu fastidju sesswali, 32 % fuq il-post tax-xogħol; billi n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza sesswali, fiżika u online u għall-bullying u l-istalking ċibernetiċi; billi aktar minn nofs in-nisa vittmi ta' qtil jiġu maqtula minn sieħeb jew membru tal-familja; billi l-vjolenza kontra n-nisa hija waħda mill-vjolazzjonijiet l-aktar mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem, irrispettivament mill-età, in-nazzjonalità, ir-reliġjon, l-edukazzjoni, jew l-istatus finanzjarju u soċjali tal-vittma, u tirrappreżenta ostakolu mill-akbar għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-fenomenu tal-femminiċidju mhux qed jonqos fl-Istati Membri;

AB.

billi l-istħarriġ tal-UE dwar l-LGBT juri li n-nisa leżbjani, bisesswali u transġeneri jiffaċċaw riskju kbir ħafna ta' diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom jew tal-identità tal-ġeneru tagħhom; billi 23 % tal-leżbjani u 35 % tal-persuni transġeneri ġew attakkati jew mhedda fiżikament/sesswalment bi vjolenza fid-dar jew xi mkien ieħor (fit-triq, fuq mezzi tat-trasport pubbliku, fuq il-post tax-xogħol, eċċ.) tal-inqas darba fl-aħħar ħames snin;

AC.

billi nstab li l-applikazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-UE fejn tidħol l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Istati Membri tinvolvi problemi speċifiċi relatati mat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-direttivi rilevanti, bħalma huma nuqqasijiet sostantivi fil-leġiżlazzjoni u l-applikazzjoni inkonsistenti tagħha mill-qrati nazzjonali;

AD.

billi l-istituzzjonijiet u l-mekkaniżmi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri huma spiss emarġinati fl-istrutturi governattivi nazzjonali, billi huma maqsuma bejn oqsma ta' politika differenti u mxekkla minn mandati kumplessi kif ukoll nieqsa minn persunal, taħriġ u data adegwati u riżorsi suffiċjenti, u ma jkollhomx biżżejjed appoġġ mill-mexxejja politiċi;

AE.

billi, skont l-analiżi komparattiva tal-liġi tan-nondiskriminazzjoni fl-Ewropa ppubblikata fl-2017 min-netwerk Ewropew ta' esperti legali fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni, fil-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi għad hemm tħassib serju f'dak li jirrigwarda l-perċezzjoni u l-għarfien, peress li l-individwi spiss ma jkunux informati dwar id-drittijiet tagħhom għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni jew dwar l-eżistenza ta' mekkaniżmi ta' protezzjoni; billi, skont din l-analiżi, fir-rigward tal-infurzar tad-direttivi tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, qamu kwistjonijiet oħra ta' tħassib, bħalma huma n-nuqqas ta' locus standi (jew locus standi restrittiv wisq) tal-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet rigward l-involviment tagħhom fi proċedimenti f'isem jew favur il-vittmi ta' diskriminazzjoni u l-applikazzjoni restrittiva tal-bidla fl-oneru tal-provi, kif ukoll għadd ta' ostakoli għall-aċċess effettiv għall-ġustizzja, u dawn qed jaġixxu bħala ostakoli li jxekklu liċ-ċittadini milli jkunu jistgħu jgawdu u jipproteġu b'mod sħiħ id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni;

AF.

billi l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2017 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) juri biss titjib marġinali, u dan juri biċ-ċar li l-UE għadha 'l bogħod milli tilħaq l-istat ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri, billi l-punteġġ komplessiv issa huwa ta' 66,2 minn 100, erba' punti biss ogħla minn għaxar snin ilu;

AG.

billi fir-rigward tal-isfera tat-teħid ta' deċiżjonijiet, id-data dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri msemmija hawn fuq turi titjib ta' kważi għaxar punti matul l-aħħar deċennju, billi l-punteġġ bħalissa huwa ta' 48,5, iżda dan il-qasam għad għandu l-aktar punteġġ baxx ta' kisba minn fost il-punteġġi kollha; billi din iċ-ċifra negattiva tirrifletti primarjament ir-rappreżentanza mhux ugwali tan-nisa u tal-irġiel fil-politika u tindika defiċit demokratiku fil-governanza tal-UE;

AH.

billi r-rapport tal-Eurofound dwar id-distakk bejn is-sessi fil-qasam tal-impjiegi jistima li dan id-distakk qed jiswa lill-UE madwar EUR 370 biljun fis-sena, li jikkorrispondu għal 2,8 % tal-PDG tal-UE;

AI.

billi skont l-Istħarriġ dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Eurofound, l-indikatur kompost ta' ħin tax-xogħol imħallas u mhux imħallas juri li meta jiġu kkomputati s-sigħat tax-xogħol imħallsa u mhux imħallsa, in-nisa jaħdmu sigħat itwal;

AJ.

billi, minkejja l-impenn tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-bordijiet tat-tmexxija tal-aġenziji tal-UE għandhom nuqqas serju ta' bilanċ bejn il-ġeneri, u juru xejriet persistenti ta' segregazzjoni tal-ġeneri;

AK.

billi l-femminilizzazzjoni tal-faqar hija fatt fl-UE u billi l-applikazzjoni u l-infurzar xierqa u sħaħ tad-drittijiet tal-UE dwar l-ugwaljanza u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandhom jimxu id f'id mal-politiki li jimmiraw lejn ir-rati għoljin ħafna tal-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali fost in-nisa,; billi n-nuqqas ta' politiki dwar l-ugwaljanza u n-nuqqas ta' implimentazzjoni tad-dritt dwar il-ġeneri u l-ugwaljanza jkomplu jipperikolaw lin-nisa u jżidu r-riskju tal-faqar u l-emarġinazzjoni soċjali billi jeskluduhom mis-suq tax-xogħol;

AL.

billi l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti hija essenzjali biex isir progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi, għalkemm id-Direttiva riformulata 2006/54/KE tipprojbixxi b'mod ċar kemm id-diskriminazzjoni diretta kif ukoll dik indiretta, u minkejja l-fatt li n-nisa jiksbu bħala medja livell għoli ta' edukazzjoni, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa xorta kienet għadha ta' 16,3 % fl-2015;

AM.

billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jeħtieġ li jkun parti essenzjali fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE;

AN.

billi l-ġbir tad-data, possibilment diżaggregata skont il-ġeneri, huwa sostanzjalment importanti biex jiġi evalwat il-progress li sar sa issa fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE;

1.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (11) li twieġeb għall-ksur minnufih, u jappoġġa l-isforzi tagħha biex issolvi l-problemi ta' implimentazzjoni b'mod informali; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb is-sistema għas-soluzzjoni tal-problemi tal-EU Pilot;

2.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fin-numru totali ta' proċedimenti ta' ksur fl-2016, li tella' ċ-ċifra għal każijiet bħal dawn għall-ogħla livell irreġistrat f'dawn l-aħħar ħames snin;

3.

Jilqa' r-Rapport Annwali 2016 tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, u jinnota li, skont dan ir-rapport, l-erba' oqsma li fihom l-akbar numru ta' proċedimenti ta' ksur infetħu kontra l-Istati Membri fl-2016 kienu l-ambjent, il-ġustizzja u l-konsumaturi, it-tassazzjoni u s-suq intern;

4.

Ifakkar li d-dritt għall-petizzjoni fil-Parlament huwa pilastru taċ-ċittadinanza Ewropea, kif stabbilit fl-Artikoli 20 u 227 tat-TFUE u fl-Artikolu 44 tal-Karta, u skont eżerċizzji ta' stħarriġ reċenti, jikklassifika fit-tieni post fl-importanza għaċ-ċittadini; jissottolinja l-importanza tal-petizzjonijiet bħala mezz biex iċ-ċittadini u r-residenti jħossuhom involuti fl-attivitajiet tal-Unjoni u biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar każijiet ta' ksur jew applikazzjoni ħażina tad-dritt tal-UE u dwar lakuni potenzjali, filwaqt li fl-istess ħin dawn id-defiċjenzi jiġu rilevati bit-tama li tinkiseb soluzzjoni f'waqtha u effikaċi tal-problemi mqajma; jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni li l-ħidma li saret biex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tad-dritt eżistenti tal-UE jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta bħala ta' importanza ekwivalenti għall-ħidma ddedikata għall-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni ġdida; jistieden lill-Kummissjoni biex f'dan ir-rigward ittejjeb it-trattament tagħha tal-petizzjonijiet preżentati billi tipprovdi risposti f'waqthom u fid-dettall;

5.

Jiġbed l-attenzjoni għall-istudju kkummissjonat mill-Kumitat tal-Parlament għall-Petizzjonijiet għad-Dipartiment Tematiku C bit-titlu "Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE: għodod u sfidi", u jilqa' r-rakkomandazzjonijiet konkreti tiegħu għal azzjoni lill-Parlament; f'dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni għall-istudju ppubblikat riċentement ikkummissjonat lid-Dipartiment Tematiku C bit-titlu "Aċċess effettiv għall-Ġustizzja", b'segwitu għall-allegazzjonijiet rikorrenti li rriżultaw mit-trattament ta' diversi petizzjonijiet; jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex jitrawwem it-taħriġ ġudizzjarju fid-dritt tal-UE għall-Istati Membri differenti sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fid-deċiżjonijiet u għaldaqstant l-infurzar ugwali tad-drittijiet fl-Unjoni kollha;

6.

Jilqa' ż-żieda fit-trasparenza fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2016, flimkien mal-għoti ta' aktar informazzjoni statistika, meta mqabbel ma' rapporti preċedenti; jiddispjaċih dwar il-fatt, madankollu, li r-rapport ma jipprovdi l-ebda informazzjoni preċiża dwar l-għadd ta' petizzjonijiet li wasslu għall-bidu ta' EU Pilot jew proċeduri ta' ksur u jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi din l-informazzjoni speċifika; jinnota b'dispjaċir li la l-Parlament u lanqas il-petizzjonanti mhuma involuti f'dawn il-proċeduri; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tikkondividi mal-Parlament l-informazzjoni dwar l-EU Pilots miftuħa u l-proċeduri ta' ksur mibdija kollha sabiex titjieb it-trasparenza, jitnaqqas iż-żmien għas-sejbien ta' soluzzjoni għat-tilwim permezz tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, tinbena l-fiduċja fil-proġett tal-UE u, fl-aħħar mill-aħħar, tissaħħaħ il-leġittimità tal-proċedura EU Pilot, speċjalment meta jkunu kkonċernati l-proċeduri ta' ksur; jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika b'mod sistematiku d-deċiżjonijiet tagħha u l-passi differenti meħuda mill-Kulleġġ tal-Kummissarji u biex tippubblika l-aġenda u l-eżiti ewlenin tal-gruppi ta' laqgħat; jirrikonoxxi d-deċiżjoni tal-QtĠ-UE fil-kawżi C-39/05 P, C-52/05 P u C-562/14 P ta' Mejju 2017, li tiddikjara li d-dokumenti fil-proċedura EU Pilot ma għandhomx jiġu żvelati pubblikament jekk ikun hemm riskju li tali żvelar jolqot in-natura tal-proċedura ta' ksur, ibiddel il-progress tagħha jew jimmina l-objettivi ta' dik il-proċedura; jistieden lill-Kummissjoni tiżvela d-dokumenti skambjati mal-Istati Membri ladarba r-riskju ma jibqax jeżisti, jiġifieri wara li jingħalqu l-proċeduri EU Pilot; jappoġġa, f'dan ir-rigward, is-suġġeriment tal-Ombudsman Ewropew dwar it-tempestività u t-trasparenza tal-każijiet ta' qabel il-ksur tal-EU Pilot; jenfasizza l-importanza li l-atturi kollha kkonċernati jinżammu infurmati u li tinġieb aktar trasparenza lill-proċessi tal-EU Pilot; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' impenn muri mill-Kummissjoni meta tkun qed twieġeb għat-tħassib imqajjem fil-proċeduri tal-EU Pilot mill-MPE u jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet bi kwalunkwe pass sinifikanti ġdid fl-investigazzjoni u d-djalogu li jkun għaddej mal-Istati Membri meta jkunu kkonċernati petizzjonijiet miftuħa; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex fir-rapport annwali tagħha tinkludi r-rata ta' implimentazzjoni kemm tar-regolamenti tal-UE kif ukoll tad-direttivi tagħha;

7.

Iqis li l-għadd kbir ta' proċeduri ta' ksur juri li l-iżgurar tal-applikazzjoni f'waqtha u korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri għadu jikkostitwixxi sfida kbira u prijorità, waqt li jqis l-approċċ ġdid, aktar strateġiku u effikaċi għall-infurzar adottat mill-Kummissjoni għall-2016; iqis li xi wħud minn dawn il-każijiet ta' ksur jistgħu jkunu r-riżultat tan-nuqqas ta' riżorsi ddedikati lill-amministrazzjoni pubblika f'uħud mill-Istati Membri;

8.

Jissottolinja l-fatt li l-għadd ta' lmenti ġodda qiegħed l-ogħla li qatt kien sa mill-2011 'l hawn, li jirrappreżenta żieda ta' 67,5 % fuq is-sena li għaddiet, b'għadd rekord ta' 3 783 ilment ġdid u tnaqqis fir-rati ta' soluzzjoni, li, barra minn hekk, 1 657 kawża ta' ksur baqgħu miftuħa fi tmiem l-2016, filwaqt li 986 każ ta' ksur infetħu fl-2016, li minnhom 847 jikkonċernaw it-traspożizzjoni tardiva; jinnota bi tħassib li 95 każ ta' ksur kienu għadhom miftuħa wara deċiżjoni tal-Qorti minħabba li l-Kummissjoni qieset li l-Istati Membri kkonċernati kienu għadhom ma kkonformawx mas-sentenzi skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, u li, b'mod ġenerali, l-oqsma tal-"impjieg"u l-"ġustizzja u l-konsumaturi"huma l-aktar affettwati, segwiti mis-suq intern, l-industrija, l-intraprenditorija u l-SMEs, it-tassazzjoni u d-dwana, u l-ambjent;

9.

Jilqa' t-tnaqqis fl-għadd ta' fajls ġodda tal-EU Pilot miftuħin fl-2016 (790 meta mqabbel mat-881 fl-2014) u l-fatt li dan in-numru laħaq l-aktar livell baxx mill-2011, minkejja li l-Kummissjoni ma tiftaħ l-ebda proċedura tal-EU Pilot fl-eventwalità tat-traspożizzjoni tardiva tad-direttivi; jinnota, madankollu, li r-rata ta' soluzzjoni naqset ftit meta mqabbla ma' dik tal-2015 (minn 75 % għal 72 %); jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi kjarifikazzjoni dwar l-istabbiliment tal-prijoritajiet tagħha fir-rigward tal-politika dwar l-infurzar tagħha li tiddikjara li se tiffoka l-azzjoni ta' infurzar tagħha fejn tista' tagħmel differenza reali, u dwar il-prijoritajiet ta' politika waqt każijiet li jiżvelaw dgħufijiet sistemiċi f'sistema legali ta' Stat Membru;

10.

Jinnota li l-impenn tal-Kummissjoni li tkun aktar strateġika fl-infurzar tad-dritt tal-UE dan l-aħħar wassal għall-għeluq tal-kawżi ta' ksur għal raġunijiet politiċi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tispjega l-kunsiderazzjonijiet wara tali deċiżjonijiet f'rapporti ta' monitoraġġ futuri;

11.

Jenfasizza li ħafna mill-fajls tal-EU Pilot li wasslu għal proċeduri ta' ksur formali kienu jikkonċernaw prinċipalment l-oqsma ta' politika li jikkonċernaw lill-ambjent, lis-suq intern, lill-industrija, lill-intraprenditorija u lill-SMEs, lill-enerġija u lit-tassazzjoni u lid-dwana; jinnota wkoll li l-Ungerija, il-Ġermanja, Spanja u l-Polonja kellhom l-ogħla numru ta' fajls tal-EU Pilot li kienu segwiti permezz ta' proċeduri ta' ksur;

12.

Jirrikonoxxi li r-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE hija tal-Istati Membri, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan il-fatt ma jeżonerax lill-istituzzjonijiet tal-UE mid-dmir tagħhom li jirrispettaw id-dritt primarju tal-UE meta jkunu qed jistabbilixxu d-dritt sekondarju tal-UE, speċjalment fil-qasam tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-Karta;

13.

Jirrimarka li l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-UE huma essenzjali biex titwettaq il-politika tal-UE f'dak li hu l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif minqux fit-Trattati u għall-inkoraġġiment u t-trawwim tal-fiduċja reċiproka bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini, filwaqt li jfakkar ukoll li l-fiduċja u ċ-ċertezza legali t-tnejn iservu bħala bażi għall-kooperazzjoni tajba u għall-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE;

14.

Huwa mħasseb li f'għadd ta' Stati Membri għad fadal nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tal-immaniġġjar tal-iskart, tal-infrastrutturi għat-trattament tal-ilma mormi u tal-konformità mal-valuri ta' limitu tal-kwalità tal-arja;

15.

Jissottolinja r-rwol importanti tas-sħab soċjali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, taċ-ċittadini Ewropej u ta' partijiet ikkonċernati oħra fil-monitoraġġ u fir-rappurtar ta' nuqqasijiet fit-traspożizzjoni u fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri; jilqa' għalhekk iż-żieda fir-responsività fost iċ-ċittadini għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż ir-rwol kruċjali tal-informaturi fis-settur privat u dak pubbliku; jenfasizza li ċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt li jkunu tal-ewwel li jsiru jafu, b'mod ċar, effettivament aċċessibbli, trasparenti u tempestiv, jekk u liema liġijiet nazzjonali jkunu ġew adottati bi traspożizzjoni tal-liġijiet tal-UE, u liema awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli biex jiġi żgurat li dawn jiġu implimentati b'mod korrett;

16.

Jinnota l-importanza mogħtija mill-Kummissjoni lit-traspożizzjoni f'waqtha u korretta tad-dritt tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-eżistenza ta' dispożizzjonijiet ta' qafas interni ċari li jobbligaw lill-Istati Membri jagħtu prijorità lil dan l-objettiv, sabiex jiġi evitat ksur tad-dritt tal-UE, filwaqt li jiżguraw li l-individwi u l-impriżi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tiegħu;

17.

Jirrimarka, madankollu, li l-iskadenzi mhux realistiċi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni jistgħu jagħmluha impossibbli għall-Istati Membri li jikkonformaw, ħaġa li timplika aċċettazzjoni taċita ta' dewmien fl-implimentazzjoni; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jaqblu dwar skeda ta' żmien aktar realistika għall-implimentazzjoni tar-regolamenti u d-direttivi, filwaqt li jieħdu kont taż-żmien meħtieġ għall-verifika u l-konsultazzjoni; iqis li l-Kummissjoni għandha tressaq rapporti, sommarji u reviżjonijiet leġiżlattivi dwar id-dati miftiehma mill-koleġiżlaturi u f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli;

18.

Jirrimarka li fl-2016 kien hemm 70 direttiva x'jiġu trasposti, żieda minn 56 fl-2015; jesprimi tħassib rigward iż-żieda qawwija fl-għadd ta' każijiet ġodda ta' traspożizzjoni tard minn 543 għal 847; jiddispjaċih li fl-aħħar tal-2016, 868 każ ta' ksur għal traspożizzjoni tard kienu għandhom miftuħin, żieda ta' 67,5 % fuq il-518-il każ miftuħa fl-aħħar tal-2015;

19.

Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, fl-2015, l-Istati Membri naqsu milli jonoraw l-impenji kollha tagħhom li jipprovdu dokumenti ta' spjegazzjoni flimkien mal-miżuri li jkunu ħadu biex jittrasponu d-direttivi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; iqis li, minħabba l-kwalità mhux uniformi ta' ħafna mid-dokumenti ta' spjegazzjoni ppreżentati, il-Kummissjoni għandha tipprovdi aktar għajnuna lill-Istati Membri fil-preparazzjoni tagħhom u fit-tfassil tat-tabelli ta' korrelazzjoni;

20.

Jissottolinja l-fatt li n-nuqqas li tiġi żgurata traspożizzjoni f'waqtha u korretta tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE – li tindirizza l-prinċipji ta' opportunitajiet indaqs u t-trattament indaqs tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' edukazzjoni, impjiegi u xogħol, paga ugwali għal xogħol ugwali, u t-trattament indaqs tan-nisa u l-irġiel fl-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provvista tagħhom – kif ukoll id-dispożizzjonijiet eżistenti biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u biex jintemmu l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, fl-aħħar mill-aħħar iċaħħad liċ-ċittadini u lin-negozji mill-benefiċċji li huma intitolati għalihom skont id-dritt tal-UE;

21.

Jenfasizza l-fatt li l-UE ġiet stabbilita bħala Unjoni msejsa fuq l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem (l-Artikolu 2 tat-TUE); jinnota li, fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw bis-sħiħ mad-drittijiet fundamentali minquxa fit-Trattati u fil-Karta; itenni li l-monitoraġġ bir-reqqa tal-atti u l-ommissjonijiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE huwa ta' importanza kbira;

22.

Itenni t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-għadd ta' petizzjonijiet lill-Parlament u tal-ilmenti lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet li l-Kummissjoni suppost kellha ssolvi;

23.

Jirrileva l-importanza li tiġi salvagwardjata l-integrità tal-ordinament ġuridiku tal-UE, li jinkludi l-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja u l-liġi mhux vinkolanti; għal din ir-raġuni jitlob li sseħħ l-adozzjoni f'waqtha tal-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi rikjesti biex il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jsir realtà għaċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni teżerċita l-aktar trasparenza u koerenza possibbli fl-isforzi tagħha biex toħloq qafas ġdid iddedikat għall-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE, bħar-EIR; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-ħolqien ta' tali qafas iddedikat b'mod speċifiku għall-iżvilupp ġust u bbilanċjat, l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-kwistjonijiet tal-inklużjoni fir-rigward tal-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali;

24.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, wara r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016, biex tippreżenta proposta għall-konklużjoni ta' patt tal-Unjoni għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-Patt tal-UE għad-DRF), u għaldaqstant effettivament tirraggruppa r-rapporti tematiċi annwali rilevanti tagħha bl-eżitu tal-mekkaniżmi eżistenti ta' monitoraġġ u l-għodod ta' valutazzjoni perjodika, li għandhom jiġu ppreżentati fi żmien debitu; ifakkar li l-Kummissjoni, bħala Gwardjan tat-Trattati b'rispett sħiħ tal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u effettiva stabbiliti mill-Artikoli 298 tat-TFUE u l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, għandha d-dmir li timmonitorja u tivvaluta l-implimentazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, u r-rispett mogħti lill-prinċipji u l-objettivi minquxa fit-Trattati mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni, u biex tirrispetta l-impenn tagħha li tgħin b'mod attiv lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw ċerti direttivi u regolamenti; jirrakkomanda għalhekk li dan il-kompitu jittieħed f'kunsiderazzjoni fiċ-ċiklu tal-politika DRF mill-2018 'l quddiem u r-rapporti tematiċi annwali rilevanti tagħha – flimkien mal-eżitu tal-mekkaniżmi ta' monitoraġġ eżistenti u l-għodod ta' valutazzjoni perjodika eżistenti – jiġu ppreżentati fi żmien debitu;

25.

Ifakkar li l-Parlament, f'diversi okkażjonijiet, talab lill-Kummissjoni tissorvelja, tidderieġi u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki ambjentali b'mod aktar proattiv;

26.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tgħin b'mod attiv lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw il-leġiżlazzjoni Ewropea billi tħejji pjanijiet ta' implimentazzjoni għal ċerti direttivi u regolamenti;

27.

Iqis li peress li l-Parlament huwa responsabbli b'mod konġunt għall-iżgurar tal-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-UE skont il-Ftehim Interistituzzjonali u minħabba fil-funzjoni ta' kontroll politiku rilevanti tiegħu fuq il-Kummissjoni mogħtija mill-Artikolu 14 tat-TUE, il-Parlament għandu jiġi notifikat awtomatikament dwar kull EU Pilot miftuħ u ksur mibdi, u għandu jingħata aċċess adegwat għad-dokumenti relatati ma' dawn iż-żewġ tipi ta' proċeduri, b'mod partikolari meta jirriżultaw minn petizzjonijiet, filwaqt li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità meħtieġa għat-trattament b'suċċess tal-każijiet;

28.

Jipproponi li r-rappreżentanti tal-Istati Membri jkunu aktar preżenti waqt id-diskussjonijiet dwar il-petizzjonijiet fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

29.

Jinnota l-livell ta' applikazzjoni mhux sodisfaċenti tad-dritt tal-UE fost l-Istati Membri kif muri min-numru għoli ta' lmenti mibgħuta lill-Kummissjoni u l-fluss konsiderevoli ta' petizzjonijiet indirizzati lill-Parlament; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni kif espressa fil-komunikazzjoni tagħha ta' Diċembru 2016 biex iżżid l-użu tagħha ta' għodod preventivi bħal gruppi ta' laqgħat, linji gwida ta' implimentazzjoni, gruppi ta' esperti U netwerks speċjalizzati (inkluż in-netwerk SOLVIT) u biex jiġi appoġġat il-bini ta' kapaċità fl-Istati Membri biex jiġi infurzat id-dritt tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tuża d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 197 tat-TFUE biex timplimenta din il-politika ta' infurzar imġedda fi sħubija sħiħa mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-mod kif tittratta l-petizzjonijiet indirizzati billi tipprovdi tweġibiet f'waqthom u dettaljati;

30.

Jinnota li filwaqt li għadhom miftuħin 95 każ ta' ksur u filwaqt li l-QtĠ-UE laħqet deċiżjoni dwar in-nonkonformità tal-Istati Membri, huma biss tlieta minn dawn il-kawżi li ġew riferuti mill-Kummissjoni lill-QtĠ-UE fuq il-bażi tal-Artikolu 260 tat-TFUE; jikkunsidra li huwa ta' importanza assoluta li tiġi żgurata eżekuzzjoni sħiħa u f'waqtha tad-deċiżjonijiet tal-Qorti u fejn meħtieġ li jsir użu sħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 279 tat-TFUE biex jiġi evitat kwalunkwe mminar tad-dritt tal-UE u tal-awtorità tal-QtĠ-UE; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din is-sitwazzjoni u tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar il-progress li jkun sar f'dan ir-rigward;

31.

Jenfasizza l-fatt li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE huma marbuta mit-Trattati tal-UE u mill-Karta (12);

32.

Jirrakkomanda li kwalunkwe dibattitu interparlamentari dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali għandu jinkludi lis-soċjetà ċivili u l-parteċipazzjoni ċivika, pereżempju permezz ta' petizzjonijiet trażmessi lill-Parlament Ewropew u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;

33.

Jenfasizza li l-memoranda ta' ftehim konklużi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri m'humiex meqjusa bħala atti tal-UE skont l-Artikolu 288 tat-TFUE;

34.

Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fit-tfassil u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE mill-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza b'mod partikolari l-prinċipju tar-responsabbiltà demokratika – u r-rwol li għandu l-Parlament fl-iżgurar tiegħu – kif ukoll id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-ġustizzja u l-amministrazzjoni tajba, kif stipulat fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta; jirrimarka li dawn id-drittijiet u l-prinċipji jirrikjedu li ċ-ċittadini jingħataw aċċess adegwat u faċli għall-abbozzi tal-atti legali li jikkonċernawhom; ifakkar li dawn l-istess drittijiet u prinċipji għandhom ukoll ikunu ta' importanza fundamentali għall-Istati Membri meta jipproponu abbozzi ta' atti mmirati biex jimplimentaw id-dritt tal-UE;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ, meta jkun possibbli u neċessarju, ir-riżorsi finanzjarji tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew, iddedikati għal "tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-partijiet interessati u amministrazzjoni pubblika effiċjenti"bl-għan li jiġu promossi l-għajnuna soċjali u l-iżvilupp ekonomiku, u biex tissaħħaħ l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni ta' benefiċċju; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-Artikolu 197 tat-TFUE biex tgħin issaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw id-dritt tal-UE;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti mfassla biex jgħinu lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-problemi ta' traspożizzjoni, jindirizzawhom fi stadju bikri tal-proċedura ta' ksur u jgħinuhom isibu soluzzjonijiet konġunti;

37.

Ifakkar li l-leġiżlazzjoni li tagħti lok għall-proċeduri ta' ksur l-aktar ċar ġejja mid-direttivi; ifakkar li r-regolamenti huma applikabbli b'mod dirett u obbligatorju fl-Istati Membri kollha; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex kemm jista' jkun tagħmel użu mir-regolamenti meta jkollha l-intenzjoni li toħroġ proposti leġiżlattivi; iqis li tali approċċ jista' jtaffi r-riskju ta' regolamentazzjoni żejda;

38.

Ifakkar li d-deċiżjonijiet preliminari jikkontribwixxu biex jiġi ċċarat il-mod kif id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi applikat; iqis li l-użu ta' din il-proċedura jippermetti interpretazzjoni u implimentazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni ssegwi b'mod aktar effikaċi t-twettiq tal-obbligu tal-qrati nazzjonali li jfittxu deċiżjoni preliminari mill-QtĠ-UE skont l-Artikolu 267 tat-TFUE; jinkoraġġixxi, għalhekk, lill-qrati nazzjonali biex f'każ ta' dubju jressqu domandi lill-QtĠ-UE u b'hekk jiġu evitati proċeduri ta' ksur;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kontroll tagħha fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta' Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (13), u biex tniedi l-proċeduri għal ksur meħtieġa, u tkun partikolarment viġilanti fir-rigward tal-applikazzjoni inkorretta jew ħażina;

40.

Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex tinforza r-regoli ambjentali tal-UE sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi kollha u biex tindirizza n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, inkluż billi tirrikorri għal proċeduri ta' ksur jekk ikun meħtieġ; jissottolinja, madankollu, il-limitazzjonijiet magħrufa fl-effikaċja tar-regoli ambjentali tal-UE u b'mod partikolari d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta’ Ottubru 2017 (14) dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali; jirrimarka li f'ċerti Stati Membri d-dritt għal ambjent f'saħħtu qed jiġi mminat min-nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni tal-ħsara lill-arja u lill-ilma, l-immaniġġjar tal-iskart u l-infrastruttura tat-trattament tal-ilma mormi; jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE tista' tiffranka lill-ekonomija tal-UE EUR 50 biljun fis-sena, fuq kollox, f'kostijiet tas-saħħa u f'kostijiet diretti lill-ambjent;

41.

Jenfasizza li l-acquis tal-UE jinkludi wkoll ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE; jinnota bi tħassib serju li r-regoli ambjentali tal-UE jistgħu ma jkunux f'konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali ("il-Konvenzjoni ta' Aarhus") (15) fin-nuqqas ta' għoti ta' aċċess suffiċjenti għall-ġustizzja lill-organizzazzjonijiet ambjentali u lill-membri tal-pubbliku; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lir-riżultati u lir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus (16) u l-pożizzjoni tal-Kunsill tat-17 ta' Lulju 2017 (17), u tesplora modi u mezzi għall-konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus b'mod li jkun kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u mas-sistema ta' stħarriġ ġudizzjarju tagħha;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni tal-miżuri adottati fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni sabiex tiżgura li jikkonformaw mal-prinċipji minquxa fil-Karta, taħdem mal-Istati Membri biex jingħelbu d-diffikultajiet li jaf jiltaqgħu magħhom fl-implimentazzjoni u tniedi l-proċeduri għal ksur meħtieġa meta jkun rilevanti; jinnota bi tħassib li ċerti Stati Membri mhumiex qed jonoraw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-asil u l-migrazzjoni, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda r-rilokazzjoni tal-persuni li jfittxu asil; jissottolinja li huwa meħtieġ li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' solidarjetà bejn uħud mill-Istati Membri fir-rigward tal-asil u l-migrazzjoni sabiex l-Istati Membri kollha jissodisfaw l-obbligi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw iż-żieda fit-traffikar tal-bnedmin għall-fini tal-isfruttament tal-ħaddiema jew għall-fini tal-isfruttament sesswali;

43.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrispondi b'mod effikaċi għas-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fir-rigward tal-migrazzjoni u tas-sigurtà u ssaħħaħ l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-pakketti ta' implimentazzjoni relatati b'mod effiċjenti; jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod korrett id-Direttiva dwar ir-Ritorn (2008/115/KE) (18) u jirrapportaw regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika l-kompatibbiltà ta' kuntratti ta' żero sigħat mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-impjiegi, inkluża d-Direttiva dwar il-Ħaddiema Part-Time minħabba li ħafna petizzjonijiet li waslu fl-2016 jirreferu għax-xogħol prekarju;

45.

Jilqa' l-fatt li r-rapport jirrikonoxxi r-rwol tal-Parlament li jattira l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri permezz ta' mistoqsijiet parlamentari u petizzjonijiet; jirrimarka li skrutinju aktar rigoruż min-naħa tal-parlamenti nazzjonali tal-gvernijiet rispettivi tagħhom meta dawn tal-aħħar ikunu involuti fil-proċess leġiżlattiv se jippromwovi applikazzjoni aktar effikaċi tad-dritt tal-UE kif previst fit-Trattati;

46.

Jesprimi t-tħassib li minħabba t-traduzzjonijiet inkonsistenti ta' bosta direttivi fil-lingwi uffiċjali tal-UE, huwa probabbli li verżjonijiet lingwistiċi differenti jwasslu għal interpretazzjonijiet differenti tat-testi rispettivi u differenzi fit-traspożizzjoni tagħhom fl-Istati Membri; jiddeplora l-fatt li tali differenzi fit-traspożizzjoni u fl-interpretazzjoni legali tad-direttivi jaf ma jinkixfux b'mod sistematiku, iżda biss meta jiġu ċċarati mid-deċiżjonijiet tal-QtĠ-UE;

47.

Ifakkar li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol essenzjali kemm fl-iskrutinju preleġiżlattiv tal-abbozzi ta' atti legali tal-UE kif ukoll fl-iskrutinju postleġiżlattiv tal-implimentazzjoni korretta tad-dritt tal-UE min-naħa tal-Istati Membri; jistieden lill-parlamenti nazzjonali jiżvolġu dan ir-rwol b'mod proattiv;

48.

Iqis li, f'konformità mal-isforzi tal-Kummissjoni biex tipproduċi leġiżlazzjoni tal-UE aħjar u aktar effikaċi, għandha dejjem titqies l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità;

49.

Itenni l-appell tiegħu biex, fid-Direttorati Ġenerali rilevanti (DĠ IPOL, DĠ EXPO u DĠ EPRS), tinħoloq sistema awtonoma għall-valutazzjoni ex post tal-impatt tal-liġijiet ewlenin tal-UE adottati mill-Parlament taħt kodeċiżjoni u f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kontroll tagħha fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' korruzzjoni li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern, u tieħu l-miżuri xierqa biex tindirizza dawn il-fenomeni;

51.

Ifakkar lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE li l-iżgurar tal-applikazzjoni f'waqtha u xierqa tal-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri jibqa' prijorità għall-UE; jenfasizza l-importanza tar-rispett għall-prinċipji tal-għoti tal-kompetenzi, tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, skont l-Artikolu 5 tat-TUE, kif ukoll tal-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem il-liġi bil-ħsieb ta' titjib fis-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE; ifakkar fl-importanza tas-sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi eżistenti li jindirizzaw b'mod determinat diversi aspetti tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tat-twettiq tiegħu fil-prattika;

52.

Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex f'kull waqt jaqdu d-dmir tagħhom li jirrispettaw id-dritt primarju tal-UE meta jkunu qed jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-UE jew dak mhux vinkolanti, meta jiżviluppaw politiki u jiffirmaw ftehimiet jew trattati ma' istituzzjonijiet minn barra mill-UE, li jassistu lill-Istati Membri bil-mezzi kollha disponibbli fl-isforzi tagħhom biex jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma kollha u biex jirrispettaw il-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni, b'mod speċjali fir-rigward tal-iżviluppi riċenti fl-Istati Membri;

53.

Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-ilmentaturi individwali għandhom rwol essenzjali fl-identifikazzjoni ta' problemi aktar mifruxa fl-infurzar u fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE li jaffettwa l-interessi taċ-ċittadini u tan-negozji;

54.

Jenfasizza li n-nuqqas ta' ġabra koerenti u komprensiva ta' regoli kodifikati ta' amministrazzjoni tajba madwar l-Unjoni jagħmilha diffiċli għaċ-ċittadini u għan-negozji biex jifhmu faċilment u b'mod sħiħ id-drittijiet tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni; jenfasizza, għalhekk, li l-kodifikazzjoni tar-regoli dwar l-amministrazzjoni tajba fil-forma ta' regolament li jistabbilixxi d-diversi aspetti tal-proċedura amministrattiva – inklużi n-notifiki, il-limiti ta' żmien vinkolanti, id-dritt għas-smigħ u d-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tagħha – tirriżulta fit-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini u tat-trasparenza; jemmen li dan ir-regolament iġib aktar aċċessibbiltà, ċarezza u koerenza fl-interpretazzjoni tar-regoli eżistenti, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji u tal-amministrazzjoni u l-uffiċjali tagħha;

55.

Ifakkar li fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 u tad-9 ta' Ġunju 2016 il-Parlament talab l-adozzjoni ta' regolament dwar amministrazzjoni tal-UE miftuħa, effiċjenti u indipendenti skont l-Artikolu 298 tat-TFUE, iżda jinnota li din it-talba ma ġietx segwita minn proposta tal-Kummissjoni; jistieden, għalhekk, għal darb'oħra lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar liġi Ewropea tal-proċedura amministrattiva, filwaqt li tqis il-passi li ttieħdu s'issa mill-Parlament f'dan il-qasam;

56.

Jenfasizza li l-integrazzjoni inadegwata tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali f'oqsma ta' politika oħra hija waħda mill-kawżi ewlenin tal-implimentazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni u l-politika ambjentali;

57.

Jissottolinja l-ħtieġa li jinżamm livell għoli kemm ta' protezzjoni ambjentali kif ukoll ta' saħħa u sikurezza tal-ikel;

58.

Jenfasizza li l-infurzar effettiv tar-regoli tal-UE fl-oqsma tas-saħħa, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent huwa importanti għaċ-ċittadini Ewropej, peress li dan jinfluwenza l-ħajja tagħhom ta' kuljum u jaqdi l-interess ġenerali;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-każijiet ta' ksur b'rabta mal-ambjent u b'dimensjoni transfruntiera, speċjalment fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar l-arja nadifa, inklużi t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretti tad-dritt tal-UE fi Stati Membri futuri; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex b'mod xieraq, trasparenti u f'waqtu tinforma lil dawk li jressqu l-ilmenti bl-argumenti mogħtija mill-istati kkonċernati b'reazzjoni għall-ilment;

60.

Jinnota li l-għadd ta' proċedimenti ta' ksur li jikkonċernaw l-ambjent naqas fl-2016 meta mqabbel mal-2015, iżda jinsab imħasseb li kien hemm żieda fl-għadd ta' proċeduri fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza tal-ikel, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil dan il-punt;

61.

Jirrileva l-fatt li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju ewlieni tal-UE li jeħtieġ li jiġi integrat fil-politiki kollha;

62.

Jissottolinja r-rwol fundamentali li għandu l-istat tad-dritt f'dak li għandu x'jaqsam mal-għoti ta' leġittimità lil kwalunkwe forma ta' governanza demokratika; jenfasizza li dan huwa wieħed mill-pedamenti tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u bħala tali huwa konsistenti mal-kunċett ta' Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt;

63.

Ifakkar li l-prinċipju tal-ugwaljanza – f'dik li hi paga ugwali għal xogħol ugwali – ilu minqux fit-Trattati Ewropej mill-1957 (ara l-Artikolu 157 tat-TFUE), u jirrileva li l-Artikolu 153 tat-TFUE jippermetti li l-UE taġixxi fil-qasam aktar wiesgħa ta' opportunitajiet ugwali u ta' trattament ugwali fil-kwistjonijiet ta' impjieg u ta' xogħol;

64.

Jinnota b'apprezzament li l-interpretazzjoni wiesgħa tal-QtĠ-UE tal-kunċett ta' paga ugwali għal xogħol ugwali, kif artikolat fid-deċiżjonijiet u fil-ġurisprudenza estensiva tagħha dwar l-artikolu rilevanti, ċertament estendiet il-possibbiltajiet biex tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bejn is-sessi kemm diretta kif ukoll indiretta fir-rigward tal-pagi u biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, iżda jenfasizza li għad fadal x'isir sabiex tiġi eliminata d-differenza persistenti fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa fl-UE;

65.

Jiddispjaċih ħafna li l-introduzzjoni ta' prinċipji legali li jipprojbixxu l-inugwaljanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa waħedha ma kinitx biżżejjed sabiex tinqered id-differenza persistenti fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa; ifakkar li d-Direttiva 2006/54/EC riformulata tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehimiet kollettivi, l-iskali tal-pagi, il-ftehimiet dwar pagi u l-kuntratti ta' impjieg individwali li jmorru kontra l-prinċipju tal-paga ugwali għandhom jew jistgħu jiġu ddikjarati nulli u bla effett jew jistgħu jiġu emendati;

66.

Jenfasizza li kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni għandhom jagħtu attenzjoni lill-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw lill-ugwaljanza f'termini ta' ħlas; itenni l-importanza tal-integrazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f'għadd ta' direttivi tal-UE u jikkunsidra strumenti alternattivi bħala għodod prezzjużi għall-implimentazzjoni korretta tal-liġi tal-UE; ifakkar fl-importanza tas-sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi eżistenti li jindirizzaw diversi aspetti tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tat-twettiq tiegħu fil-prattika; jenfasizza li n-negozjar kollettiv jista' jippermetti l-applikazzjoni ulterjuri tal-liġi tal-UE dwar pagi ugwali għal xogħol ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, il-liv tal-ġenituri, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħinijiet tax-xogħol, inkluża ġurnata ta' mistrieħ komuni fil-ġimgħa, biex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għan-nisa u l-irġiel u biex tittejjeb is-sitwazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

67.

Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 li titlob l-adozzjoni ta' regolament tal-UE dwar Liġi Ewropea tal-Proċedura Amministrattiva, abbażi tal-Artikolu 298 tat-TFUE; jinnota b'diżappunt li l-Kummissjoni naqset milli tagħti segwitu għat-talba tal-Parlament biex hi tressaq proposta għal att leġiżlattiv fir-rigward tal-liġi tal-proċedura amministrattiva;

68.

Jirrikonoxxi l-importanza li tinġabar data, possibilment diżaggregata skont il-ġeneru, biex wieħed jevalwa l-progress li sar fl-avvanz tad-drittijiet tan-nisa;

69.

Jiddispjaċih li hemm nuqqasijiet fl-approċċ adottat mill-Kummissjoni dwar il-benesseri tal-annimali hekk kif injorat l-inkonsistenzi serji rrapportati minn għadd kbir ta' ċittadini li eżerċitaw id-dritt ta' petizzjoni; itenni t-talba tiegħu għat-tnedija ta' strateġija ġdida fil-livell tal-UE biex jimtlew il-lakuni eżistenti kollha u biex jiġi żgurat ħarsien sħiħ u effikaċi tal-benesseri tal-annimali permezz ta' qafas leġiżlattiv ċar u eżawrjenti li jkun kompletament konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tat-TFUE;

70.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa l-petizzjonijiet relatati mad-differenzi fil-kwalità ta' prodotti tal-ikel tal-istess ditta fi Stati Membri differenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttemm il-prattiki inġusti u tiżgura li l-konsumaturi kollha jiġu ttrattati b'mod ugwali;

71.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0385.

(2)  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

(3)  ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.

(4)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(5)  ĠU C 316, 22.9.2017, p. 246.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2016)0409.

(7)  ĠU C 86, 6.3.2018, p. 126.

(8)  ĠU C 440, 30.12.2015, p. 17.

(9)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(10)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 15.

(11)  ĠU C 18, 19.1.2017, p. 10.

(12)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta' Settembru 2016 fil-Kawżi Magħquda C-8/15 P sa C-10/15 P Ledra Advertising Ltd (C-8/15 P), Andreas Eleftheriou (C-9/15 P), Eleni Eleftheriou (C-9/15 P), Lilia Papachristofi (C-9/15 P), Christos Theophilou (C-10/15 P), Eleni Theophilou (C-10/15 P) vs Il-KummissjoniEwropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (ECLI:UE:C:2016:701).

(13)  ĠU L 193, 19.7.2016, p. 1.

(14)  Testi adottati, P8_TA(2017)0414.

(15)  ĠU L 124, 17.05.2005, p. 4.

(16)  ACCC/C/2008/32 (EU), Parti II, adottat fis-17 ta' Marzu 2017

(17)  ĠU L 186, 19.7.2017, p. 15.

(18)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.


RAKKOMANDAZZJONIJIET

27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/121


P8_TA(2018)0256

Negozjati dwar il-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward in-negozjati dwar il-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì (2018/2018(INI))

(2020/C 28/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21 u 36, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni eżistenti bejn ir-Repubblika taċ-Ċilì u l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra t-tnedija, fis-16 ta' Novembru 2017, tan-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċilì dwar ftehim ta' assoċjazzjoni modernizzat,

wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Kunsill, fit-13 ta' Novembru 2017, tad-direttivi ta' negozjati għal dan il-ftehim,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-25 laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Konġunt bejn l-UE u ċ-Ċilì tat-22 ta' Jannar 2018,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati rigward il-modernizzazzjoni tal-pilastru tal-kummerċ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Amerika Latina (2),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili UE-CELAC tal-11 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Equality, rights and democratic participation for the peoples of Europe and Latin America and the Caribbean"(Ugwaljanza, drittijiet u parteċipazzjoni demokratika għall-popli tal-Ewropa, u tal-Amerika Latina u l-Karibew),

wara li kkunsidra l-Artikoli 108(4) u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0158/2018),

A.

billi ċ-Ċilì u l-UE huma magħquda b'valuri kondiviżi u b'relazzjonijiet kulturali, ekonomiċi u politiċi mill-qrib;

B.

billi ċ-Ċilì u l-UE huma sħab mill-qrib fl-indirizzar ta' sfidi reġjonali u globali, bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà internazzjonali, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza globali;

C.

billi ċ-Ċilì huwa difensur qawwi tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, tal-kummerċ ħieles u miftuħ, u tal-multilateraliżmu; billi huwa wkoll membru ewlieni tal-Alleanza tal-Paċifiku, tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), u tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR), kif ukoll pajjiż b'introjtu għoli u membru tal-OECD;

D.

billi ċ-Ċilì kien attur ewlieni fi kwistjonijiet reġjonali, pereżempju bħala pajjiż garanti fil-proċess ta' paċi Kolombjan u fit-taħditiet ta' Santo Domingo bejn il-Gvern Venezwelan u l-oppożizzjoni; billi ċ-Ċilì rtira mit-taħditiet Venezwelani peress li l-kundizzjonijiet minimi għall-elezzjonijiet presidenzjali demokratiċi u n-normalizzazzjoni istituzzjonali ma ntlaħqux;

E.

billi Ftehim Qafas ta' Parteċipazzjoni għall-parteċipazzjoni taċ-Ċilì f'operazzjonijiet tal-UE dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet ilu fis-seħħ minn Jannar 2014; billi ċ-Ċilì jipparteċipa fil-EUFOR ALTHEA fil-Bożnija-Ħerzegovina kif ukoll f'għadd ta' operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi tan-NU, li jirriflettu l-impenn tiegħu favur il-paċi u s-sigurtà globali;

F.

billi l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali reċenti wrew għal darb'oħra n-natura stabbli u matura tad-demokrazija Ċilena; billi ċ-Ċilì gawda minn tkabbir ekonomiku qawwi u kien waħda mill-aktar ekonomiji bi tkabbir rapidu tal-Amerika t'Isfel matul dawn l-aħħar deċenji; billi l-isforzi ta' riforma fil-pajjiż għadhom għaddejjin;

G.

billi d-dekriminalizzazzjoni reċenti tal-abort, taħt ċerti ċirkostanzi, uriet żieda fil-ftuħ tas-soċjetà Ċilena lejn it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet;

H.

billi fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2016, iċ-Ċilì jitqiegħed fil-kategorija "żvilupp tal-bniedem għoli ħafna"u jikklassifika ruħu bħala l-ewwel pajjiż Latin Amerikan u n-numru 38 fid-dinja, qabel seba' Stati Membri tal-UE;

I.

billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni eżistenti bejn l-UE u ċ-Ċilì kien strumentali għall-approfondiment tar-relazzjonijiet politiċi u għaż-żieda sostanzjali tal-flussi tal-kummerċ u tal-investiment; billi rispett kontinwu għall-istat tad-dritt u qafas ġuridiku u politiku stabbli jippermettu sew liċ-Ċilì u sew lill-UE li jeżerċitaw intraprenditorija ħielsa u jrawmu ambjent ta' investiment adegwat li jinkludi s-salvagwardja tal-prinċipju taċ-ċertezza tad-dritt;

J.

billi l-UE u ċ-Ċilì kkonkludew aktar ftehimiet ambizzjużi u komprensivi ma' sħab oħra f'dawn l-aħħar snin; billi l-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì għalhekk għandha l-potenzjal li tapprofondixxi b'mod sinifikanti r-relazzjonijiet eżistenti, inklużi relazzjonijiet fl-oqsma tal-affarijiet barranin u tas-sigurtà;

K.

billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni futur bejn l-UE u ċ-Ċilì jrid jirrifletti bis-sħiħ in-natura trasformattiva tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030 u r-rwol tal-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

L.

billi Ftehim ta' Assoċjazzjoni aġġornat, flimkien mal-ftehimiet li qed jiġu attwalment innegozjati (mill-ġdid) mal-Messiku u l-Mercosur, isaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala alleat ewlieni tal-Amerika Latina, fi żmien meta atturi oħra, bħaċ-Ċina u r-Russja, qed jippruvaw dejjem aktar jiksbu influwenza fir-reġjun;

M.

billi l-Kumitat Parlamentari Konġunt (KPK) UE-Ċilì esprima ripetutament l-appoġġ tiegħu għall-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, l-aktar reċentement fid-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fil-25 laqgħa tiegħu tat-22 ta' Jannar 2018;

1.

Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ):

Prinċipji ġenerali

(a)

li b'mod konsiderevoli jsaħħu l-kooperazzjoni bejn iċ-Ċilì u l-UE, sħab li jaħsbuha l-istess f'ambjent ta' inċertezza ġdida fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali, abbażi tal-valuri kondiviżi tagħna u l-prinċipji tad-demokrazija, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-iżgurar tal-ugwaljanza bejn is-sessi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

(b)

li jiżguraw li l-ftehim immodernizzat maċ-Ċilì jkun ambizzjuż, komprensiv u bbilanċjat, u li jwassal għal benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini, għan-negozji u għall-ekonomiji taż-żewġ naħat; li jiżguraw li l-ftehim ikun minn ta' quddiem fost il-ftehimiet l-aktar avvanzati li l-UE qatt ikkonkludiet ma' pajjiżi terzi;

(c)

li jsaħħu d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-kooperazzjoni UE-Ċilì fid-dawl tal-istrateġija tad-drittijiet tal-bniedem UE-Ċilì 2016-2020; li jinkludu impenn konġunt għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u d-drittijiet tal-minoranzi, bħall-komunità LGBTI u l-popli indiġeni b'mekkaniżmi infurzabbli għall-monitoraġġ, ir-rapportar regolari u s-soluzzjoni tat-tilwim; li ċ-Ċili jitħeġġeġ isib soluzzjoni għall-kwistjonijiet mal-poplu nattiv Mapuche u ma' popli indiġeni oħra; li l-prattika tal-inklużjoni ta' klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem tkompli fil-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni futuri kollha; li jkomplu d-djalogu regolari bejn l-UE u ċ-Ċilì dwar id-drittijiet tal-bniedem, bl-għan li jsaħħu l-qafas istituzzjonali u l-politiki pubbliċi li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz ta' kooperazzjoni multilaterali;

(d)

li ċ-Ċilì jitħeġġeġ jiżgura proċess ġuridiku korrett u proċedimenti ġuridizzjarji ġusti b'konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali;

(e)

li fil-mira jkun hemm it-trawwim tal-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli, il-ġlieda kontra l-faqar u t-tnaqqis tal-livell ta' inugwaljanza fid-dawl tal-impenn taċ-Ċilì li jilħaq l-SDGs fil-qafas tal-Aġenda 2030;

(f)

li ċ-Ċilì jingħata sostenn fit-titjib tal-istandards edukattivi u tal-programmi edukattivi, u li jiżgura li l-persuni bl-iktar dħul baxx ikollhom aċċess għall-edukazzjoni għolja; li jsaħħu r-rabta bejn l-universitajiet u s-suq tax-xogħol, inaqqsu d-diskrepanza tal-ħiliet u jippromwovu l-impjiegi fost iż-żgħażagħ;

(g)

li jsaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet soċjali u ambjentali, u jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-eliminazzjoni tax-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal;

Multilateraliżmu u kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali

(h)

li jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni fir-rigward tal-isfidi reġjonali u globali, bħall-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-drogi, iż-żieda fl-inugwaljanza, il-migrazzjoni, it-terroriżmu u t-tibdil fil-klima, inkluża l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030; li jagħtu sostenn lill-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u jistabbilixxu mekkaniżmi ta' riammissjoni, inkluż għal persuni apolidi u għal ċittadini minn pajjiżi terzi;

(i)

li jfakkru l-importanza tal-aġenda multilaterali u li kwalunkwe negozjar bilaterali m'għandux idgħajjef l-ambizzjoni li jinkiseb progress multilaterali;

(j)

li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-multilateraliżmu u l-kooperazzjoni internazzjonali sabiex tiġi promossa s-sigurtà internazzjonali u jindirizzaw l-isfidi globali b'mod effettiv; li jsaħħu l-koordinazzjoni dwar il-pożizzjonijiet meħuda miż-żewġ naħat f'organizzazzjonijiet u f'fora internazzjonali;

(k)

li ċ-Ċilì jitħeġġeġ ikompli jinkoraġġixxi skemi ta' integrazzjoni u ta' kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari l-Alleanza tal-Paċifiku, fid-dawl tar-riżultati inkoraġġanti tiegħu bħala mutur reali u attiv tal-integrazzjoni ekonomika bejn il-membri tar-reġjun, iżda wkoll tal-UNASUR u tal-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC); li jeżaminaw il-possibbiltà li l-UE tikseb status ta' osservatur fi ħdan l-Alleanza tal-Paċifiku;

Djalogu politiku u kooperazzjoni

(l)

li jipprovdu djalogu regolari u sinifikanti dwar il-kwistjonijiet kollha ta' rilevanza, li jibni fuq formati eżistenti kif ukoll jestendihom; li jimmobilizzaw riżorsi disponibbli permezz tal-Istrument ta' Sħubija (PI) bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi strateġiċi;

(m)

li jipprovdu kooperazzjoni mill-qrib fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża, b'mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni ta' kunflitti, il-ġestjoni tal-kriżijiet, is-sigurtà marittima, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni; li jippermettu l-parteċipazzjoni msaħħa taċ-Ċilì fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) tal-UE;

(n)

li jippermettu aktar kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità, u aktar kooperazzjoni għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-kriminalità transkonfinali, mingħajr ma jiddgħajfu l-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali; li jieħdu azzjoni fil-kuntest tal-ġlieda globali kontra t-terroriżmu permezz tat-tisħiħ ta' mekkaniżmi, ta' miżuri u ta' korpi għall-kooperazzjoni globali u reġjonali fir-rispett tad-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

(o)

li jsaħħu l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa; li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa kif ukoll standards ta' trasparenza li jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-partijiet li jimplimentaw standards internazzjonali fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa;

(p)

li jfakkru li l-korruzzjoni ddgħajjef id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali, il-kummerċ u l-kompetizzjoni ġusta, u li b'hekk jixxekkel it-tkabbir ekonomiku; li jinkludu taqsimiet speċifiċi li jiddeskrivu l-impenji u l-miżuri ċari u qawwija fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-suriet kollha tagħha, u li jimplimentaw standards internazzjonali u konvenzjonijiet multilaterali kontra l-korruzzjoni;

(q)

li jiffaċilitaw il-mobilità bejn l-UE u ċ-Ċilì; li jjsaħħu l-iskambji ta' żgħażagħ u ta' studenti, il-programmi ta' boroż ta' studju u l-korsijiet ta' taħriġ, inkluż permezz tal-programm Erasmus+; li jagħmlu aktar sforzi lejn ir-rikonoxximent reċiproku sħiħ tal-kwalifiki akkademiċi u lejn il-modernizzazzjoni, l-aċċessibbiltà u l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja;

(r)

li jippromwovu t-trasferiment tal-għarfien xjentifiku u teknoloġiku u jżidu l-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka u l-kooperazzjoni, bl-użu sħiħ tal-programmi eżistenti, bħal Orizzont 2020;

(s)

li jippromwovu u jsaħħu r-relazzjonijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali, li jibnu fuq il-Memorandum ta' Qbil dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali ffirmat fl-2015; li joħolqu mekkaniżmi innovattivi li jwessgħu u jsaħħu l-kooperazzjoni triangulari u reġjonali ma' partijiet terzi fi ħdan l-Amerika Latina u lil hinn minnha permezz ta' programmi bħall-EUROsociAL+ u l-Euroclima+, u l-kooperazzjoni dwar il-politiki marbuta mad-droga;

(t)

li jiżviluppaw metodoloġija li turi l-effetti tal-ftehim modernizzat fuq l-irġiel u n-nisa u li r-riżultati tagħha jintużaw bħala bażi għat-tfassil ta' politiki biex jinkiseb bilanċ bejn is-sessi;

(u)

li jaffermaw mill-ġdid l-impenn konġunt favur il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u favur l-Aġenda 2030, u li jipprevedu kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u ċ-Ċilì dwar il-protezzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; li jsaħħu s-sħubija fir-rigward tal-kooperazzjoni teknika u politika f'oqsma ambjentali ewlenin, inklużi l-emissjonijiet tas-CO2 fit-trasport internazzjonali, il-konservazzjoni tal-bijodiveristà, kif ukoll il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli; li jħeġġu l-kooperazzjoni msaħħa dwar l-ekonomija ċirkolari sabiex jitjiebu l-effiċjenza tar-riżorsi, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, l-ekoinnovazzjoni u l-ġestjoni tal-ilma; li jżidu s-sostenn għal proġetti li jtaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima;

(v)

li jsaħħu l-kooperazzjoni dwar ir-riċerka u l-iżvilupp u dwar l-użu tal-programm Copernicus tal-UE fil-qasam tad-data satellitari ta' osservazzjoni tad-dinja għal skopijiet ambjentali;

(w)

li jrawmu l-kooperazzjoni kulturali u li jagħtu sostenn lid-dijaspora sew fiċ-Ċilì u sew fl-UE, bl-objettiv li jingħata sostenn lill-investimenti barranin kemm fl-UE kif ukoll fiċ-Ċilì;

(x)

li jaffermaw mill-ġdid li l-aċċess għall-ilma huwa dritt tal-bniedem;

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

(y)

li jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jinbena fuq parteċipazzjoni parlamentari b'saħħitha, filwaqt li jsaħħu d-dispożizzjonijiet u l-mekkaniżmi kurrenti ta' kooperazzjoni biex ikun hemm aktar input u skrutinju tal-implimentazzjoni tiegħu, b'mod partikolari permezz tal-format interparlamentari eżistenti tal-KPK; li jipprevedu l-possibbiltà li l-KPK jitlob l-informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

(z)

li jiżguraw l-involviment adegwat tas-soċjetà ċivili sew matul in-negozjati u sew fil-fażi ta' implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż iżda mhux limitat għall-Kumitat Konsultattiv Konġunt; jisħaq dwar il-bżonn li jkun stabbilit mekkaniżmu istituzzjonali li jippermetti djalogu politiku li jippermetti l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fiż-żewġ reġjuni;

(aa)

li l-Parlament jinżamm informat immedjatament u totalment fl-istadji kollha tan-negozjati, f'konformità mal-Artikolu 218(10) tat-TFUE; dan jinkludi li l-Parlament jingħata t-testi u l-minuti tan-negozjati ta' kull ċiklu ta' negozjati; jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Jannar 2018 li jiġi ppubblikat il-mandat ta' negozjar mogħti lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ f'Novembru 2017;

(ab)

li l-pubblikazzjoni riċenti tad-direttivi ta' negozjati titqies bħala preċedent importanti u li jittieħed l-impenn li d-direttivi ta' negozjati kollha għall-ftehimiet internazzjonali futuri jiġu ppubblikati;

(ac)

li jħaffu n-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bil-għan li tkun permessa r-ratifika tiegħu mill-Parlament qabel it-tmiem tal-leġiżlatura Ewropea kurrenti;

(ad)

li jiżguraw ir-rispett, fil-livelli kollha, għall-prattika stabbilita li l-ftehim il-ġdid ma jiġix applikat proviżorjament sakemm il-Parlament ma jkunx ta l-approvazzjoni tiegħu;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika taċ-Ċilì.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2017)0354.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2017)0345.


III Atti preparatorji

IL-PARLAMENT EWROPEW

27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/126


P8_TA(2018)0244

L-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivati OTC u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ***I

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fit-12 ta' Ġunju 2018, dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, ir-rekwiżiti tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivati OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta' repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet (COM(2017)0208 – C8-0147/2017 – 2017/0090(COD)) (1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2020/C 28/16)

Emenda 1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW (*1)

għall-proposta tal-Kummissjoni


(1)  Il-każ ġie mgħoddi lura għal negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 59(4), ir-raba’ subparagrafu (A8-0181/2018).

(*1)  Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.


Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, ir-rekwiżiti tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta' repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (UE) fis-27 ta' Lulju 2012, u daħal fis-seħħ fis-16 ta' Awwissu 2012. Ir-rekwiżiti li jinsabu fih, jiġifieri l-ikklerjar ċentrali ta' kuntratti tad-derivattivi barra l-Borża (OTC) standardizzati; ir-rekwiżiti tal-marġni; ir-rekwiżiti ta' mitigazzjoni tar-riskju operattiv għal kuntratti tad-derivattivi OTC li mhumiex ikklerjati ċentralment; l-obbligi ta' rapportar għal kuntratti tad-derivattivi; ir-rekwiżiti għal kontropartijiet ċentrali (CCPs) u r-rekwiżiti għal repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (TRs) jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riskju sistemiku billi jżidu t-trasparenza tas-suq tad-derivattivi OTC u jnaqqsu r-riskju ta' kreditu tal-kontroparti u r-riskju operattiv assoċjat mad-derivattivi OTC.

(2)

Is-simplifikazzjoni ta' ċerti oqsma koperti mir-Regolament (UE) Nru 648/2012, u approċċ aktar proporzjonat għal dawk l-oqsma, huma f'konformità mal-programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni li jenfasizza l-bżonn tat-tnaqqis u s-simplifikazzjoni tal-ispejjeż sabiex il-politiki tal-Unjoni jilħqu l-objettivi tagħhom bl-aktar mod effiċjenti, u jimmira b'mod partikolari li jnaqqas il-piżijiet regolatorji u amministrattivi, mingħajr preġudizzju għall-objettiv ewlieni li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja u jitnaqqsu r-riskji sistemiċi .

(3)

Is-sistemi ta' wara n-negozjar u s-swieq tal-kollateral effiċjenti u reżiljenti huma elementi essenzjali għal Unjoni tas-Swieq Kapitali li tiffunzjona tajjeb u dawn japprofondixxu l-isforzi biex jiġu appoġġati l-investimenti, it-tkabbir u l-impjiegi f'konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni.

(4)

Fl-2015 u fl-2016, il-Kummissjoni għamlet żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Paralament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll input dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”), il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (“BERS”) u s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (“SEBĊ”). Minn dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi deher li l-għanijiet tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 kienu appoġġati mill-partijiet ikkonċernati u ma kien meħtieġ l-ebda tiġdid maġġuri ta' dan ir-Regolament. Fit-23 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat rapport ta' reviżjoni skont l-Artikolu 85(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għalkemm mhux id-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huma diġà applikabbli b'mod sħiħ u għalhekk għadu mhux possibbli li ssir evalwazzjoni komprensiva ta' dak ir-Regolament, ir-rapport identifika oqsma li jeħtieġu azzjoni mmirata biex jiġi żgurat li l-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jintlaħqu b'mod aktar proporzjonat, effiċjenti u effettiv.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jenħtieġ li jkopri l-kontropartijiet finanzjarji kollha li jistgħu jirrappreżentaw riskju sistemiku importanti għas-sistema finanzjarja. Għalhekk, jenħtieġ li d-definizzjoni ta' kontropartijiet finanzjarji tiġi emendata.

(6)

Ċerti kontropartijiet finanzjarji għandhom volum ta' attività fis-swieq tad-derivattivi tal-OTC li huwa baxx wisq biex jippreżenta riskju sistemiku importanti għas-sistema finanzjarja u ▌baxx wisq biex l-ikklerjar ċentrali jkun ekonomikament vijabbli. Dawk il-kontropartijiet, magħrufa komunement bħala kontropartijiet finanzjarji żgħar (SFCs) , jenħtieġ li jiġu eżentati mill-obbligu tal-ikklerjar filwaqt li jibqgħu soġġetti għar-rekwiżit għall-iskambju tal-kollateral biex jiġi mitigat kwalunkwe riskju sistemiku. L-eċċess tal-livell limitu tal-ikklerjar għal mill-inqas klassi waħda ta' derivattiv OTC minn SFC jenħtieġ li madankollu jiskatta l-obbligu tal-ikklerjar għall-klassijiet kollha tad-derivattivi OTC minħabba l-interkonnettività tal-kontropartijiet finanzjarji u r-riskju sistemiku possibbli għas-sistema finanzjarja li jista' jirriżulta jekk dawk il-kuntratt tad-derivattivi ma jiġux ikklerjati ċentralment.

(7)

Il-kontropartijiet mhux finanzjarji huma anqas interkonnessi mill-kontropartijiet finanzjarji. Dawn ikunu wkoll spiss attivi fi klassi waħda ta' derivattiv OTC. Għalhekk, l-attività tagħhom toħloq inqas riskju sistemiku għas-sistema finanzjarja mill-attività ta' kontropartijiet finanzjarji. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar għal kontropartijiet mhux finanzjarji jenħtieġ li għalhekk jiġi ristrett, sabiex dawk il-kontropartijiet mhux finanzjarji jkunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar biss fir-rigward tal-klassi tal-assi jew tal-klassijiet tal-assi li jaqbżu l-livell limitu tal-ikklerjar ▌.

(7a)

Peress li l-kontropartijiet finanzjarji u l-kontropartijiet mhux finanzjarji jippreżentaw riskji differenti, jeħtieġ li jiġu żviluppati żewġ livelli limiti tal-ikklerjar. Sabiex jitqies kwalunkwe żvilupp tas-swieq finanzjarji, jenħtieġ li dawk il-livelli limiti jkunu aġġornati regolarment.

(8)

Ir-rekwiżit biex jiġu kklerjati ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi qabel ma l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ joħloq inċertezza legali u kumplikazzjonijiet operattivi għal benefiċċji limitati. B'mod partikolari, ir-rekwiżit joħloq spejjeż u sforzi addizzjonali għall-kontropartijiet għal dawk il-kuntratti u jista' wkoll jaffettwa l-funzjonament bla xkiel tas-suq mingħajr ma jirriżulta f'titjib sinifikanti tal-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew tal-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-parteċipanti fis-suq. Dak ir-rekwiżit għalhekk jenħtieġ li jitneħħa.

(9)

Il-kontropartijiet b'volum limitat ta' attività fis-swieq tad-derivattivi OTC jiffaċċjaw diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-ikklerjar ċentrali, kemm bħala klijent ta' membri tal-ikklerjar kif ukoll permezz ta' arranġamenti ta' kklerjar indirett. Ir-rekwiżit għall-membri tal-ikklerjar biex jiffaċilitaw servizzi ta' kklerjar indirett fuq termini kummerċjali raġonevoli għalhekk mhuwiex effiċjenti. Il-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tal-membri tal-ikklerjar li jipprovdu servizzi tal-ikklerjar b'mod dirett lil kontropartijiet oħrajn jew b'mod indirett billi jippermettu lill-klijenti tagħhom stess jipprovdu dawk is-servizzi lil kontropartijiet oħrajn jenħtieġ li għalhekk jiġu rikjesti b'mod espliċitu li jagħmlu dan skont termini kummerċjali ġusti, raġonevoli, mhux diskriminatorji u trasparenti .

(10)

F'ċerti sitwazzjonijiet jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi sospiż l-obbligu tal-ikklerjar. L-ewwel nett, dik is-sospensjoni jenħtieġ li tkun possibbli meta l-kriterji li abbażi tagħhom klassi speċifika ta' derivattiv OTC tkun saret soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar ma jibqgħux issodisfati aktar. Dan jista' jkun il-każ meta klassi tad-derivattiv OTC ma tibqax xierqa għall-ikklerjar ċentrali obbligatorju jew meta jkun seħħ kambjament materjali f'waħda minn dawk il-kriterji fir-rigward ta' klassi partikolari ta' derivattiv OTC. Sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar jenħtieġ li tkun possibbli wkoll meta CCP tieqaf milli toffri servizz tal-ikklerjar għal klassi speċifika ta' derivattiv OTC jew għal tip speċifiku ta' kontroparti u CCPs oħrajn ma jkunux jistgħu jintervjenu malajr biżżejjed biex jieħdu f'idejhom dawk is-servizzi ta' kklerjar. Finalment, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar jenħtieġ li tkun possibbli wkoll meta din tkun meqjusa neċessarja biex tiġi evitata theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni.

(11)

Ir-rapportar ta' tranżazzjonijiet storiċi wera li huwa diffiċli minħabba n-nuqqas ta' ċerti dettalji ta' rapportar li ma kinux meħtieġa li jiġu rrapportati qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 iżda issa huma meħtieġa. Dan wassal għal rata għolja ta' nuqqas ta' rapportar u kwalità fqira ta' data rrapportata, filwaqt li l-piż tar-rapportar ta' dawk it-tranżazzjonijiet huwa sinifikanti. Għalhekk hemm probabbiltà għolja li dik id-data storika tibqa' ma tintużax. Barra minn hekk, sakemm id-data ta' skadenza għar-rapportar ta' tranżazzjonijiet storiċi tkun saret effettiva, numru ta' dawk it-tranżazzjonijiet ikunu diġà skadew u, magħhom, l-esponimenti u r-riskji korrispondenti. Biex tiġi rrimedjata dik is-sitwazzjoni, jenħtieġ li jitneħħa r-rekwiżit li jiġu rrapportati tranżazzjonijiet storiċi.

(12)

It-tranżazzjonijiet intragrupp li jinvolvu kontropartijiet mhux finanzjarji jirrappreżentaw frazzjoni relattivament żgħira tat-tranżazzjonijiet tad-derivattivi OTC kollha u jintużaw primarjament għall-iħħeġġjar intern fil-gruppi. Dawk it-tranżazzjonijiet għalhekk ma jikkontribwux b'mod sinifikanti għar-riskju sistemiku u għall-interkonnettività, iżda l-obbligu li jiġu rrapportati dawk it-tranżazzjonijiet jimponi spejjeż u piżijiet importanti fuq il-kontropartijiet mhux finanzjarji. It-tranżazzjonijiet kollha bejn affiljati fi ħdan il-grupp meta mill-inqas waħda mill-kontropartijiet tkun kontroparti mhux finanzjarja jenħtieġ li għalhekk jiġu eżentati mill-obbligu ta' rapportar, irrispettivament mill-post fejn tkun stabbilita l-kontroparti mhux finanzjarja .

(13)

Ir-rekwiżit li jiġu rrapportati kuntratti tad-derivattivi nnegozjati fil-Borża (exchange-traded derivative, “ETDs”) jimponi piż sinifikanti fuq il-kontropartijiet minħabba l-volum għoli ta' ETDs li jiġu konklużi fuq il-bażi ta' kuljum. Il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar il-kontroll tal-idoneità fuq ir-rapportar superviżorju, li ġiet ippubblikata fl-1 ta' Diċembru 2017, għandha l-għan li tiġbor evidenza dwar il-kost tal-konformità mal-ħtiġijiet tar-rapportar superviżorju eżistenti fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll dwar il-konsistenza, il-koerenza, l-effettività, l-effiċjenza u l-valur miżjud tal-Unjoni ta' dawk ir-rekwiżiti. Din il-konsultazzjoni tipprovdi opportunità biex l-awtoritajiet jivvalutaw ir-rapportar tal-ETD b'mod olistiku flimkien mar-reġimi ta' rapportar regolatorju eżistenti u futuri kollha, tippermetti lill-awtoritajiet iqisu l-ambjent ta' rapportar ġdid wara l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014▌ (5) u tipprovdi l-possibbiltà li jsiru proposti biex jitnaqqas b'mod effettiv il-piż minn fuq il-parteċipanti fis-suq li huma meħtieġa jirrapportaw it-tranżazzjonijiet tal-ETD . Il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis dawk is-sejbiet sabiex tipproponi bidliet futuri fir-rekwiżiti tar-rapportar skont l-Artikolu 9(1) fir-rigward tar-rapportar tal-ETD.

(14)

Biex jitnaqqas il-piż tar-rapportar għall-kontropartijiet mhux finanzjarji mhux soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar , il-kontroparti finanzjarja jenħtieġ li tkun unikament responsabbli, u legalment responsabbli, għar-rapportar ta' sett ta' data uniku fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC li tkun daħlet għalihom ma' kontroparti mhux finanzjarja li mhijiex soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar ▌kif ukoll għall-iżgurar tal-eżattezza tad-dettalji rrapportati. Sabiex jiġi żgurat li l-kontroparti finanzjarja jkollha d-data meħtieġa sabiex tissodisfa l-obbligu tar-rapportar tagħha, jenħtieġ li l-kontroparti mhux finanzjarja tipprovdi d-dettalji relatati mat-tranżazzjonijiet tad-derivattiv OTC li l-kontroparti finanzjarja ma tistax tiġi raġonevolment mistennija li jkollha. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li kontroparti mhux finanzjarja tagħżel li tirrapporta l-kuntratti tad-derivati OTC tagħha. F'dak il-każ, il-kontroparti mhux finanzjarja jenħtieġ li tinforma kif xieraq lill-kontroparti finanzjarja u tkun responsabbli, anke legalment, għar-rapportar ta' dik id-data u għall-iżgurar tal-eżattezza tagħha.

(15)

Ir-responsabbiltà għar-rapportar ta' kuntratti tad-derivattivi oħrajn jenħtieġ li tiġi ddeterminata wkoll. Jenħtieġ li għalhekk jiġi speċifikat li l-kumpanija ta' ġestjoni ta' impriża ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (undertaking for collective investment in transferable securities, “UCITS”) hija responsabbli, u legalment responsabbli, għar-rapportar f'isem dik l-UCITS fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC li tkun daħlet għalihom dik l-UCITS kif ukoll għall-iżgurar tal-preċiżjoni tad-dettalji rrapportati. B'mod simili, il-maniġer ta' fond ta' investiment alternattiv (“AIF”) jenħtieġ li jkun responsabbli, u legalment responsabbli, għar-rapportar f'isem dak l-AIF fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC li dak l-AIF ikun daħal għalihom kif ukoll għall-iżgurar tal-preċiżjoni tad-dettalji rrapportati.

(16)

Biex jiġu evitati l-inkonsistenzi madwar l-Unjoni fl-applikazzjoni tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju, is-superviżuri jenħtieġ li japprovaw proċeduri ta' ġestjoni tar-riskju li jirrikjedu l-iskambju f'waqtu, preċiż u b'segregazzjoni xierqa tal-kollateral tal-kontropartijiet, jew kwalunkwe bidla sinifikanti għal dawk il-proċeduri, qabel ma jkunu applikati.

(16a)

Sabiex tiġi evitata diverġenza regolatorja internazzjonali, u fid-dawl tan-natura partikolari tan-negozjar f'tali derivati, l-iskambju obbligatorju tal-marġni ta' varjazzjoni fir-rigward ta' tranżazzjonijiet forward tar-rata tal-kambju fiżikament issaldati u derivati swap tal-valuti skont ir-rata tal-kambju fiżikament issaldati, jenħtieġ li japplika biss għal tranżazzjonijiet bejn il-kontropartijiet l-aktar sistemiċi, jiġifieri l-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment.

(16b)

Is-servizzi ta' tnaqqis tar-riskju wara n-negozju, bħall-kompressjoni tal-portafoll, jistgħu jwasslu għal tnaqqis tar-riskju sistemiku. Permezz tat-tnaqqis tar-riskji fil-portafolli tad-derivati eżistenti, u mingħajr tibdil tal-pożizzjoni kumplessiva fis-suq tal-portafoll, dawn jistgħu jnaqqsu kemm l-iskoperturi tal-kontroparti kif ukoll ir-riskju tal-kontroparti assoċjat mal-akkumulazzjoni ta' pożizzjonijiet pendenti gross. “Kompressjoni tal-portafoll”hija definita fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u hija eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligu ta' negozjar tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. Sabiex dan ir-Regolament jiġi allinjat mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 fejn meħtieġ, u b'kont meħud tad-differenzi bejn dawn iż-żewġ Regolamenti u l-potenzjal li l-obbligu tal-ikklerjar jiġi evitat, il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-ESMA u l-BERS, jenħtieġ li tivvaluta liema servizzi ta' tnaqqis tar-riskju wara n-negozju jistgħu jingħataw eżenzjoni mill-obbligu tal-ikklerjar.

(17)

Biex tiżdied it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-marġni inizjali u biex is-CCPs jinżammu milli jimmodifikaw il-mudelli tal-marġni inizjali tagħhom b'modi li jistgħu jidhru proċikliċi, is-CCPs jenħtieġ li jipprovdu lill-membri tal-ikklerjar tagħhom b'għodod biex jistimulaw ir-rekwiżiti tal-marġni inzjali tagħhom u b'ħarsa ġenerali dettaljata tal-mudelli tal-marġni inizjali li jużaw. Dan huwa konsistenti mal-istandards internazzjonali ppubblikati mill-Kumitat dwar l-Infrastrutturi tal-Pagamenti u tas-Swieq u l-Bord tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli, u b'mod partikolari mal-qafas ta' divulgazzjoni ppubblikat f'Diċembru 2012 (6) u l-istandards tad-divulgazzjoni kwantitattiva pubblika għall-kontropartijiet ċentrali ppubblikati fl-2015 (7), rilevanti għat-trawwim ta' fehim preċiż tar-riskji u l-ispejjeż involuti fi kwalunkwe parteċipazzjoni f'CCP mill-membri tal-ikklerjar u t-titjib tat-trasparenza tas-CCPs lejn il-parteċipanti fis-suq.

(18)

Għad hemm inċertezzi dwar kemm l-assi miżmuma fl-omnibus jew f'kontijiet segregati individwali huma ta' insolvenza remota. Għalhekk mhuwiex ċar f'liema każijiet is-CCPs jistgħu b'biżżejjed ċertezza legali jittrasferixxu l-pożizzjonijiet tal-klijent meta membru tal-ikklerjar ifalli, jew f'liema każijiet is-CCPs jistgħu, b'biżżejjed ċertezza legali, iħallsu r-rikavati tal-likwidazzjoni direttament lill-klijenti. Biex jiġi inċentivat l-ikklerjar u biex jitjieb l-aċċess għalih, ir-regoli relatati mal-qagħda remota tal-insolvenza ta' dawk l-assi u l-pożizzjonijiet jenħtieġ li jiġu ċċarati.

(19)

Il-multi li l-ESMA tista' timponi fuq ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet taħt is-superviżjoni diretta tagħha jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi biżżejjed biex tiġi żgurata l-effettività tas-setgħat superviżorji tal-ESMA u biex tiżdied it-trasparenza tal-pożizzjonijiet u l-esponimenti tad-derivattivi OTC. Qiegħed jidher li l-ammont ta' multi previsti inizjalment fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma humiex dissważivi biżżejjed fid-dawl tal-fatturat tar-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, u dan jista' potenzjalment ikun ta' xkiel għall-effettività tas-setgħat superviżorji tal-ESMA skont dak ir-Regolament, fil-konfront tar-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet. Il-limitu massimu tal-ammonti bażiċi tal-multi jenħtieġ li għalhekk jiżdied.

(20)

L-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi jenħtieġ li jkollhom aċċess għad-data rrapportata lir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet tal-Unjoni fejn ċerti kundizzjonijiet li jiggarantixxu t-trattament ta' din id-data jiġu ssodisfati mill-pajjiż terz u fejn il-pajjiż terz jipprevedi obbligu legalment vinkolanti u infurzabbli li jagħti aċċess dirett lill-awtoritajiet tal-Unjoni għal data rrapportata lir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet f'dak il-pajjiż terz.

(21)

Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jippermetti li ssir proċedura simplifikata ta' reġistrazzjoni għar-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet li huma diġà rreġistrati skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u jixtiequ jestendu dik ir-reġistrazzjoni biex jipprovdu s-servizzi tagħhom fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli. Jenħtieġ li tiddaħħal fis-seħħ proċedura tar-reġistrazzjoni ssimplifikata simili għar-reġistrazzjoni tar-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet li huma diġà rreġistrati skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 u jixtiequ jestendu dik ir-reġistrazzjoni biex jipprovdu s-servizzi tagħhom fir-rigward tal-kuntratt tad-derivattivi.

(22)

L-insuffiċjenza tal-kwalità u t-trasparenza tad-data prodotta mir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet tagħmilha diffiċli għall-entitajiet li ngħataw aċċess għal din id-data biex jużawha biex jimmonitorjaw is-swieq tad-derrivattivi u tipprevjeni lir-regolaturi u lis-superviżuri milli jidentifikaw riskji ta' stabbiltà finanzjarja fi żmien debitu. Biex titjieb il-kwalità u t-trasparenza tad-data u biex jiġu allinjati r-rekwiżiti ta' rapportar skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma' dawk tar-Regolament (UE) 2015/2365 u r-Regolament (UE) Nru 600/2014, hija meħtieġa aktar armonizzazzjoni tar-regoli u r-rekwiżiti tar-rapportar, u b'mod partikolari aktar armonizzazzjoni tal-istandards, il-metodi u l-arranġamenti tad-data għar-rapportar, kif ukoll il-proċeduri li għandhom jiġu applikati mir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għall-validazzjoni tad-data rrapportata dwar il-kompletezza u l-eżattezza tagħhom, u r-rikonċiljazzjoni tad-data ma' repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet oħrajn. Barra minn hekk, ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jagħtu lill-kontropartijiet, wara talba, aċċess għad-data kollha rrapportata f'isimhom biex dawn il-kontropartiijiet ikunu jistgħu jivverifikaw l-eżattezza ta' din id-data.

(22a)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u jiżdied it-tqabbil tat-tranżazzjonijiet, jenħtieġ li l-ESMA tintroduċi standard komuni tal-Unjoni għar-rapportar lir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet. Peress li s-CCPs u kontropartijiet finanzjarji oħrajn qegħdin jassumu dmirijiet ta' rapportar delegati, format uniku jżid l-effiċjenza għall-parteċipanti kollha.

(23)

F'termini tas-servizzi pprovduti mir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 stabbilixxa ambjent kompetittiv. Jenħtieġ li l-kontropartijiet għalhekk ikunu jistgħu jagħżlu r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet li jixtiequ jagħmlu r-rapport lilu u jenħtieġ li jkunu jistgħu jeqilbu r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jekk dawn jagħżlu li jagħmlu dan. Biex tiġi ffaċilitata dik il-qalba u biex tiġi żgurata d-disponibbiltà kontinwa tad-data mingħajr duplikazzjoni, ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jistabbilixxu politiki xierqa biex jiżguraw it-trasferiment b'mod ordnat tad-data rrapportata lejn repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet oħrajn fejn ikun mitlub minn impriża soġġetta għall-obbligu ta' rapportar.

(24)

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistabbilixxi li l-obbligu tal-ikklerjar jenħtieġ li ma japplikax għal arranġamenti tal-iskema tal-pensjoni (PSAs), sakemm ma tiġix żviluppata soluzzjoni teknika xierqa mis-CCPs għat-trasferiment ta' kollateral mhux fi flus bħala marġni ta' varjazzjoni. Minħabba li sa issa għadha ma ġietx żviluppata soluzzjoni vijabbli li tiffaċilita l-PSAs, dik id-deroga temporanja jenħtieġ li tiġi estiża biex tapplika għal sentejn oħra fir-rigward tal-maġġoranza kbira ħafna tal-PSAs . L-ikklerjar ċentrali jenħtieġ li madankollu jibqa' l-għan aħħari meta jitqies li l-iżviluppi regolatorji u tas-suq attwali jippermettu lill-parteċipanti tas-suq biex jiżviluppaw soluzzjonijiet tekniċi xierqa f'dan il-perjodu ta' żmien. Bl-għajnuna tal-ESMA, l-EBA, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (“EIOPA”) u l-BERS, il-Kummissjoni jenħtieġ li timmonitorja l-progress magħmul mis-CCPs, il-membri tal-ikklerjar u l-PSAs lejn soluzzjonijiet vijabbli li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-PSAs fl-ikklerjar ċentrali u tħejji rapport fuq dak il-progress. Dan ir-rapport jenħtieġ li jkopri wkoll is-soluzzjonijiet u l-ispejjeż relatati għall-PSAs, u b'hekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi regolatorji u tas-suq bħal bidliet għat-tip ta' kontroparti finanzjarja li hija soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar. ▌Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li testendi dik id-deroga għal sena oħra jekk hija tqis li l-partijiet ikkonċernati jkunu qablu dwar soluzzjoni u jkun meħtieġ iktar żmien biex din tiġi implimentata .

(24a)

Il-PSAs żgħar, minbarra dawk ikklassifikati bħala kontropartijiet finanzjarji żgħar, ma jippreżentawx l-istess riskji bħall-PSAs kbar u huwa xieraq li jitħallew ikollhom perjodu itwal ta' eżenzjoni mill-obbligu tal-ikklerjar. Għal tali PSAs, il-Kummissjoni jenħtieġ li testendi l-eżenzjoni minn dak l-obbligu għal tliet snin. Jekk, sa tmiem dak il-perjodu, il-Kummissjoni tqis li l-PSAs żgħar ikunu għamlu l-isforz meħtieġ biex jiżviluppaw soluzzjonijiet tekniċi xierqa ħalli jipparteċipaw fl-ikklerjar ċentrali u li l-effett avvers tal-ikklerjar ċentrali tal-kuntratti tad-derivati fuq il-benefiċċji tal-irtirar tal-pensjonanti jibqa' l-istess, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun kapaċi testendi d-deroga b'sentejn oħra. Wara li tiskadi l-eżenzjoni, il-PSAs żgħar jenħtieġ li jkunu soġġetti għal dan ir-Regolament bħall-entitajiet l-oħra kollha fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. Minħabba l-volumi iżgħar ta' kuntratti tad-derivati konklużi minn PSAs żgħar, mhux mistenni li se jaqbżu l-limiti li jiskattaw l-obbligu tal-ikklerjar. B'riżultat ta' dan, anke wara li tiskadi l-eżenzjoni, il-maġġoranza tal-PSAs żgħar xorta waħda mhux se jkunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar.

(24b)

L-eżenzjoni għall-PSAs jenħtieġ li tkompli tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u, jekk dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ wara s-16 ta' Awwissu 2018, jenħtieġ li tapplika wkoll b'mod retroattiv għall-kuntratti tad-derivati OTC kollha eżegwiti wara dik id-data. L-applikazzjoni retroattiva ta' din id-dispożizzjoni hija meħtieġa biex jiġi evitat distakk bejn it-tmiem tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni eżistenti u l-eżenzjoni l-ġdida, peress li t-tnejn għandhom l-istess għan.

(25)

Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom it-termini kummerċjali relatati mad-dispożizzjoni tas-servizzi tal-ikklerjar huma kkunsidrati ġusti, raġonevoli, trasparenti u mhux diskriminatorji, u fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu li fih l-obbligu tal-ikklerjar jenħtieġ li ma japplikax għall-PSAs.

(26)

Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u b'mod partikolari fir-rigward tad-disponibbiltà tal-informazzjoni li tinsab fir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet tal-Unjoni għall-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi, is-setgħat ta' implimentazzjoni jenħtieġ li jingħataw lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(27)

Biex tiġi żgurata armonizzazzjoni konsistenti tar-regoli dwar il-proċeduri tal-mitigazzjoni tar-riskju, ir-reġistrazzjoni tar-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti ta' rapportar, il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta standards tekniċi regolatorji abbozzati żviluppati mill-EBA, l-EIOPA u l-ESMA rigward il-proċeduri superviżorji biex tiġi żgurata validazzjoni inizjali u kontinwa tal-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju li jeħtieġu l-kollateral segregat f'waqtu, preċiż u kif suppost, id-dettalji ta' applikazzjoni ssimplifikata għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet li huwa diġà rreġistrat taħt ir-Regolament (UE) 2015/2365, id-dettalji tal-proċeduri li għandhom jiġu applikati mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti ta' rapportar mill-kontroparti li tirrapporta jew mill-entità li tippreżenta, il-kompletezza u l-eżattezza tal-informazzjoni rrapportata u d-dettalji tal-proċeduri għar-rikonċiljazzjoni tad-data bejn ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta dawk l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament u tal-Kunsill (11) u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament u tal-Kunsill (12).

(28)

Il-Kummissjoni jenħtieġ ukoll li tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi ta' implimentazzjoni żviluppati mill-ESMA permezz ta' atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 fir-rigward tal-istandards tad-data għall-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata għall-klassijiet differenti tad-derivattivi u l-metodi u l-arranġamenti għar-rapportar.

(29)

Billi l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi żgurata l-proporzjonalità tar-regoli li wasslu għal piżijiet amministrattivi u spejjeż ta' konformità mhux meħtieġa mingħajr ma titqiegħed l-istabbiltà finanzjarja f'riskju u li tiżdied it-trasparenza tal-pożizzjonijiet u l-esponimenti tad-derivattivi OTC, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(30)

L-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li għalhekk tiġi ddifferita biex jiġu stabbiliti l-miżuri ta' implimentazzjoni essenzjali kollha u l-parteċipanti fis-suq jkunu permessi jieħdu l-passi kollha neċessarji għal skopijiet ta' konformità.

(31)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u ta opinjoni nhar il-[…].

(32)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(32a)

L-obbligu tal-ikklerjar għad-derivati skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-obbligu tan-negozjar għad-derivati skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 jenħtieġ li jiġu allinjati meta jkun neċessarju u xieraq. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tħejji rapport dwar il-bidliet li saru għall-obbligu tal-ikklerjar għad-derivati f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari rigward l-ambitu tal-entitajiet soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar, kif ukoll il-mekkaniżmu ta' sospensjoni, li jenħtieġ li jsiru wkoll għall-obbligu tan-negozjar għad-derivati kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 600/2014.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 huwa emendat kif ġej:

(-1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.     Dan ir-Regolament ma għandux japplika:

(a)

għal banek ċentrali u korpi pubbliċi oħra responsabbli għall-ġestjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu f'tali ġestjoni;

(b)

għall-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali;

(c)

għall-banek multilaterali tal-iżvilupp, skont kif elenkat fl-Artikolu 117(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. ”;

(-1a)

Fl-Artikolu 1, paragrafu 5, il-punt a huwa mħassar;

(1)

Fl-Artikolu 2, il-punt (8) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(8)

“kontroparti finanzjarja”tfisser ditta ta' investiment awtorizzata skont id-Direttiva 2014/65/ UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE , ditta' ta' assigurazzjoni jew riassigurazzjoni awtorizzata skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), UCITS awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE, ħlief jekk dik l-UCITS tkun relatata ma' pjan ta' xiri ta' azzjonijiet mill-impjegati , istituzzjoni għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali fis-sens tal-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2003/41/KE, fond ta' investiment alternattiv (AIF) skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE, stabbilit fl-Unjoni jew ġestit minn maniġer ta' fondi ta' investiment alternattiv (AIFM) awtorizzat jew irreġistrat skont id-Direttiva 2011/61/UE, ħlief jekk dan l-AIF ikun relatat ma' pjan ta' xiri ta' azzjonijiet mill-impjegati, u, fejn rilevanti, l-AIFM tiegħu jkun stabbilit fl-Unjoni; u depożitorju ċentrali tat-titoli awtorizzat skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) ▌;

(2)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti minn (i) sa (iv) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(i)

bejn żewġ kontropartijiet finanzjarji li huma soġġetti għall-kundizzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4a(1);

(ii)

bejn kontroparti finanzjarja li hija soġġetta għall-kundizzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4a(1) u kontroparti mhux finanzjarja li hija soġġetta għall-kundizzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1);

(iii)

bejn żewġ kontropartijiet mhux finanzjarji li huma soġġetti għall-kundizzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1);

(iv)

bejn, minn naħa waħda, kontroparti finanzjarja li hija soġġetta għall-kundizzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4a(1) jew kontroparti mhux finanzjarja li hija soġġetta għall-kundizzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1), u, min-naħa l-oħra, entità stabbilita f'pajjiż terz li kieku kienet stabbilita fl-Unjoni kienet tkun soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar;”;

(b)

fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

huma konklużi jew ikun hemm novazzjoni tagħhom jew::

(i)

fid-data jew wara d-data minn meta l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ; jew

(ii)

fid-data jew wara d-data minn meta ż-żewġ kontropartijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (a). ”;

(c)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Il-membri tal-ikklerjar u l-klijenti li jipprovdu servizzi tal-ikklerjar, kemm jekk b'mod dirett kif ukoll b'mod indirett, għandhom jipprovdu dawk is-servizzi skont termini kummerċjali ġusti, raġonevoli, mhux diskriminatorji u trasparenti . Tali klijenti u membri tal-ikklerjar għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha mfassla għall-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-kunflitti ta' interess fi ħdan grupp ta' entitajiet affiljati, b'mod partikolari bejn l-unità tan-negozjar u l-unità tal-ikklerjar, li jistgħu jaffettwaw b'mod avvers il-forniment ġust, raġonevoli, mhux diskriminatorju u trasparenti tas-servizzi tal-ikklerjar.

Il-klijenti jew il-membri tal-ikklerjar għandhom jitħallew jikkontrollaw ir-riskji konnessi mas-servizzi tal-ikklerjar offruti.

3b.     Sabiex tiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta' dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom it-termini kummerċjali għas-servizzi tal-ikklerjar, imsemmija fil-paragrafu 3a, jitqiesu li huma ġusti, raġonevoli, mhux diskriminatorji u trasparenti.

L-ESMA għandha tippreżenta l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sa … [sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju].

Il-Kummissjoni għandha ▌s-setgħa li tissupplementa dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. ”;

(3)

Jiżdied l-Artikolu 4a li ġej:

“Artikolu 4a

Kontropartijiet finanzjarji soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar

1.   Kontroparti finanzjarja li tieħu pożizzjonijiet f'kuntratti tad-derivati OTC tista' tikkalkula, fuq bażi annwali, il-pożizzjoni medja tagħha tal-aħħar tax-xahar aggregata għat-12-il xahar preċedenti skont il-paragrafu 3.

Meta l-kontraparti finanzjarja ma tikkalkulax il-pożizzjoni tagħha jew ir-riżultat ta' dak il-kalkolu jaqbeż il-livelli limiti tal-ikklerjar speċifikati skont l-Artikolu 10(4)(b), il-kontroparti finanzjarja għandha:

(a)

tinnotifika minnufih lill-ESMA u l-awtorità kompetenti rilevanti tagħha;

(b)

tkun soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4 għal kuntratti tad-derivati OTC futuri, irrispettivament mill-klassi tal-assi jew mill-klassijiet tal-assi li għaliha jista' jinqabeż il-livell limitu tal-ikklerjar; u

(c)

tikklerja l-kuntratti msemmija fil-punt (b) fi żmien erba' xhur minn meta ssir soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar.

2.   Kontroparti finanzjarja li tkun saret soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar skont il-paragrafu 1 u sussegwentement turi lill-awtorità kompetenti rilevanti li l-pożizzjoni medja tagħha tal-aħħar tax-xahar aggregata għat-12-il xahar preċedenti ma għadhiex taqbeż il-livelli limiti tal-ikklerjar imsemmija fil-paragrafu 1, ma għandhiex tibqa' soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 4.

2a.     Meta kontroparti finanzjarja preċedentement eżentata ssir soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar skont il-paragrafu 1, hija għandha tikklerja l-kuntratti tad-derivati OTC tagħha fi żmien erba' xhur minn meta ssir soġġetta għal dak l-obbligu tal-ikklerjar.

3.   Fil-kalkolu tal-pożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-kontroparti finanzjarja għandha tinkludi l-kuntratti tad-derivattivi OTC mdaħħla fis-seħħ minn dik il-kontroparti finanzjarja jew imdaħħla fis-seħħ minn entitajiet oħrajn fil-grupp li għalih tappartjeni dik il-kontroparti finanzjarja.”;

(4)

Fl-Artikolu 5(2), il-punt (c) huwa mħassar;

(4a)

Fl-Artikolu 6, paragrafu 2, wara l-punt d jiddaħħal il-punt li ġej:

“(da)

f'kull klassi ta' derivattivi OTC imsemmija fil-punt (d), id-dettalji tat-tipi ta' kuntratt li għalihom is-CCPs rilevanti ġew awtorizzati biex jikklerjaw u d-data li fiha dawk is-CCPs ingħataw l-awtorizzazzjoni sabiex jikklerjaw dawk il-kuntratti; ”;

(5)

Fl-Artikolu 6(2), il-punt (e) huwa mħassar;

(6)

Jiżdied l-Artikolu 6b li ġej:

“Artikolu 6b

Sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar f'sitwazzjonijiet oħra għajr ir-riżoluzzjoni

1.   F'ċirkostanzi oħrajn għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 6a(1), l-ESMA tista' titlob li l-Kummissjoni tissospendi temporanjament l-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4(1) għal klassi speċifika ta' derivattiv OTC jew għal tip speċifiku ta' kontroparti fejn tkun ġiet issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-klassi tad-derivattiv OTC ma tkunx aktar adatta għall-ikklerjar ċentrali fuq il-bażi tal-kriterji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 u fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 5;

(b)

CCP x'aktarx li tieqaf tikklerja dik il-klassi speċifika ta' derivattiv OTC u l-ebda CCP oħra ma tkun kapaċi tikklerja dik il-klassi speċifika ta' derivattiv OTC mingħajr interruzzjoni;

(c)

is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar għal klassi speċifika ta' derivattiv OTC jew għal tip speċifiku ta' kontroparti hija meħtieġa biex tiġi evitata jew tiġi indirizzata theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni u dik is-sospensjoni hija proporzjonata għal dak l-għan.

Għall-iskopijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha tikkonsulta mal-BERS qabel it-talba msemmija hemmhekk.

Meta l-ESMA titlob li l-Kummissjoni tissospendi temporanjament l-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4(1), din għandha tipprovdi raġunijiet u tippreżenta evidenza li mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu hija ssodisfata. Il-Kummissjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-talba tal-ESMA.

1a.     It-talba għal sospensjoni mill-ESMA kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu tista' ssir minn awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 22. Meta l-awtorità kompetenti titlob li l-ESMA tippreżenta talba għal sospensjoni, hija għandha tipprovdi r-raġunijiet u tippreżenta evidenza li mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 hija ssodisfata.

L-ESMA għandha, fi żmien 48 siegħa minn meta tasal talba mill-awtorità kompetenti u abbażi tar-raġunijiet u l-evidenza pprovduti mill-awtorità kompetenti, titlob lill-Kummissjoni tissospendi l-obbligu tal-ikklerjar għall-klassi speċifika tad-derivat OTC jew għat-tip speċifiku ta' kontroparti msemmi fil-paragrafu 1, jew inkella tirrifjuta t-talba tal-awtorità. L-ESMA għandha tinforma lill-awtorità kompetenti kkonċernata bid-deċiżjoni tagħha u tipprovdi raġunament dettaljat li jispjegaha.

2.   It-talba msemmija fil-paragrafu 1 m'għandhiex issir disponibbli għall-pubbliku.

3.   Il-Kummissjoni għandha, fi żmien 48 siegħa mit-talba msemmija fil-paragrafu 1 u abbażi tar-raġunijiet u l-evidenza pprovduti mill-ESMA, tissospendi l-obbligu tal-ikklerjar għall-klassi speċifika tad-derivati OTC jew għat-tip speċifiku ta' kontroparti msemmi fil-paragrafu 1, jew inkella tirrifjuta s-sospensjoni mitluba. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-ESMA bid-deċiżjoni tagħha u għandha tipprovdi raġunament dettaljat li jispjegaha.Il-Kummissjoni mbagħad għandha tittrażmetti dik l-informazzjoni mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissospendi l-obbligu tal-ikklerjar ▌għandha tiġi kkomunikata lill-ESMA u din għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fuq is-sit web tal-Kummissjoni u fir-reġistru pubbliku msemmi fl-Artikolu 6.

5.   Sospensjoni ta' obbligu tal-ikklerjar skont dan l-Artikolu għandha tkun valida għal perjodu ta' mhux aktar minn xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dik is-sospensjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

6.    Meta r-raġunijiet għas-sospensjoni jkunu għadhom validi , il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-ESMA u lill-BERS , tista' testendi s-sospensjoni msemmija fil-paragrafu 5 għal perjodu wieħed jew aktar ta' xahar, li b'mod kumulattiv ma jaqbżux is-sitt xhur mit-tmiem tal-perjodu inizjali tas-sospensjoni . Għandha tiġi ppubblikata estensjoni tas-sospensjoni skont l-Artikolu 4.

Għall-iskopijiet tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-ESMA u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-intenzjoni tagħha li testendi sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar. L-ESMA għandha toħroġ opinjoni fuq l-estensjoni tas-sospensjoni fi żmien 48 siegħa minn dik in-notifika.”;

(7)

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.    Il-kontropartijiet finanzjarji, il-kontropartijiet mhux finanzjarji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) u s-CCPs għandhom jiżguraw li d-dettalji ta' kwalunkwe kuntratt tad-derivati li jkunu kkonkludew u kwalunkwe modifika jew terminazzjoni tal-kuntratt jiġu rrapportati skont il-paragrafu 1a lil repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet irreġistrat skont l-Artikolu 55 jew rikonoxxut skont l-Artikolu 77. Id-dettalji għandhom jiġu rrapportati mhux iżjed tard mill-jum tax-xogħol wara l-konklużjoni, il-modifika jew it-terminazzjoni tal-kuntratt.

L-obbligu ta' rapportar għandu japplika għal kuntratti tad-derivati li ▌daħlu fis-seħħ fit-12 ta' Frar 2014 jew wara.

Minkejja l-Artikolu 3 , l-obbligu ta' rapportar m'għandux japplika għal kuntratti tad-derivati OTC fi ħdan l-istess grupp fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet hija kontroparti mhux finanzjarja jew tikkwalifika bħala kontroparti mhux finanzjarja jekk tkun stabbilita fl-Unjoni, dment li:

(a)

iż-żewġ kontropartijiet ikunu inklużi fl-istess konsolidazzjoni fuq bażi sħiħa;

(b)

iż-żewġ kontropartijiet ikunu soġġetti għal proċeduri ċentralizzati xierqa ta' evalwazzjoni, kejl u kontroll tar-riskju; u

(c)

l-impriża prinċipali ma tkunx kontroparti finanzjarja .”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi  1a u 1b li ġejjin :

“1a.   Id-dettalji tal-kuntratti tad-derivati msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rrapportati kif ġej:

(b)

id-dettalji tal-kuntratti tad-derivati OTC konklużi bejn kontroparti finanzjarja u kontroparti mhux finanzjarja li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) għandhom jiġu rrapportati kif ġej:

(i)

il-kontropartijiet finanzjarji għandhom ikunu unikament responsabbli u legalment responsabbli għar-rapportar ta' sett uniku ta' data , kif ukoll għall-iżgurar tal-preċiżjoni tad-dettalji rrapportati. Biex jiġi żgurat li l-kontroparti finanzjarja jkollha d-data kollha meħtieġa biex tissodisfa l-obbligu ta' rapportar, il-kontroparti mhux finanzjarja għandha tipprovdi lill-kontroparti finanzjarja bid-dettalji relatati mal-kuntratti tad-derivati OTC konklużi bejniethom, li wieħed jista' jissuponi raġonevolment li l-kontroparti finanzjarja ma tistax tiġi raġonevolment mistennija li jkollha . Il-kontroparti mhux finanzjarja hija responsabbli biex tiżgura li dawk id-dettalji jkunu preċiżi.

(ii)

minkejja l-punt (1), kontropartijiet mhux finanzjarji li diġà investew biex tiddaħħal fis-seħħ sistema ta' rapportar jistgħu jagħżlu li jirrapportaw id-dettalji tal-kuntratti tad-derivati OTC tagħhom ma' kontropartijiet finanzjarji lil repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet. F'dak il-każ, il-kontropartijiet mhux finanzjarji għandhom jinformaw lill-kontropartijiet finanzjarji li magħhom ikkonkludew kuntratti tad-derivati OTC dwar id-deċiżjoni tagħhom minn qabel. Ir-responsabbiltà u r-responsabbiltà legali għar-rapportar u għall-iżgurar tal-preċiżjoni ta' dawk id-dettalji, f'dan il-każ għandhom jibqgħu tal-kontropartijiet mhux finanzjarji.

(ba)

fil-każ ta' kuntratti tad-derivati OTC konklużi minn kontroparti mhux finanzjarja li ma tkunx soġġetta għall-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) ma' entità stabbilita f'pajjiż terz li tkun kontroparti finanzjarja jekk stabbilita fl-Unjoni, tali kontroparti mhux finanzjarja m'għandhiex tkun meħtieġa tirrapporta skont l-Artikolu 9 u m'għandhiex tkun legalment responsabbli għar-rapportar jew għall-iżgurar tal-preċiżjoni tad-dettalji ta' tali kuntratti tad-derivati OTC meta:

(i)

is-sistema legali għar-rapportar tal-pajjiż terz ikkonċernat tkun tqieset ekwivalenti skont l-Artikolu 13, u l-kontroparti finanzjarja tal-pajjiż terz tkun irrapportat informazzjoni bħal din skont is-sistema legali għar-rapportar tal-pajjiż terz tagħha;

(ii)

is-sistema legali għar-rapportar tal-pajjiż terz ikkonċernat ma tkunx ġiet iddikjarata ekwivalenti skont l-Artikolu 13, il-kontroparti finanzjarja tal-pajjiż terz, daqslikieku kienet kontroparti finanzjarja stabbilita fl-Unjoni, tagħżel li tkun soġġetta għar-rekwiżiti ta' dan l-Artikolu u tirreġistra mal-ESMA.

L-ESMA għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit web tagħha reġistru tal-Unjoni kollha tal-kontropartijiet finanzjarji tal-pajjiżi terzi li jagħżlu li jkunu soġġetti għal dan l-Artikolu skont il-punt (ii);

(c)

il-kumpanija ta' ġestjoni ta' UCITS għandha tkun responsabbli għar-rapportar tad-dettalji tal-kuntratti tad-derivati OTC li għalihom dik l-UCITS hija kontroparti kif ukoll għall-iżgurar tal-preċiżjoni tad-dettalji rrapportati;

(d)

il-maniġer ta' AIF għandu jkun responsabbli għar-rapportar tad-dettalji ta' kuntratti tad-derivati OTC li għalihom l-AIF huwa kontroparti kif ukoll għall-iżgurar tal-preċiżjoni tad-dettalji rrapportati;

(e)

il-kontropartijiet u s-CCPs li jirrapportaw il-kuntratti tad-derivati OTC lil repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandhom jiżguraw li d-dettalji tal-kuntratti tagħhom tad-derivati jiġu rrapportati b'mod preċiż u mingħajr duplikazzjoni.

Il-kontropartijiet u s-CCPS soġġetti għall-obbligu ta' rapportar imsemmi fil-paragrafu 1 jistgħu jiddelegaw dak l-obbligu ta' rapportar.

1b.     L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji li għandhom jiġu pprovduti minn kontroparti finanzjarja ta' pajjiż terz għar-reġistrazzjoni tagħha mal-ESMA msemmija fil-punt (ba)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1a.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa … [sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju].

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplementa dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. ”;

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 3, l-ESMA għandha, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ , tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw:

(a)

l-istandards u l-formati tad-data għall-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata, li għandhom jinkludu mill-inqas dawn li ġejjin:

(i)

identifikaturi globali tal-entitajiet ġuridiċi (legal entity identifiers, “LEIs”);

(ii)

numri internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (international securities identification numbers, “ISIN”);

(iii)

identifikaturi uniċi tat-tranżazzjoni (unique trade identifiers, “UTIs”);

(b)

il-metodi u l-arranġamenti għar-rapportar;

(c)

il-frekwenza tar-rapporti;

(d)

id-data sa meta l-kuntratti tad-derivati għandhom jiġu rrapportati, inkluża kwalunkwe introduzzjoni gradwali għal kuntratti konklużi qabel ma japplika l-obbligu ta' rapportar.

Fl-iżvilupp ta' dak l-abbozz ta' standards tekniċi, l-ESMA għandha tqis l-iżviluppi u l-istandards internazzjonali miftiehma fil-livell tal-Unjoni jew globali, u l-konsistenza tagħhom mar-rekwiżiti tar-rapportar stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2015/2365 (*1) u l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [UP daħħal id-data 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament emendatorju].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.;

(8)

Fl-Artikolu 10, il-paragrafi 1 sa 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Kontroparti mhux finanzjarja li tieħu pożizzjonijiet f'kuntratti tad-derivati OTC tista' tikkalkula, fuq bażi annwali, il-pożizzjoni medja tagħha tal-aħħar tax-xahar aggregata għat-12-il xahar preċedenti skont il-paragrafu 3.

Meta l-kontraparti mhux finanzjarja ma tikkalkulax il-pożizzjoni tagħha jew ir-riżultat tal-kalkolu msemmi fl-ewwel subparagrafu jaqbeż il-livelli limiti tal-ikklerjar speċifikati skont il-paragrafu 4(b), dik il-kontroparti mhux finanzjarja għandha:

(a)

tinnotifika minnufih lill-ESMA u lill-awtorità maħtura skont il-paragrafu 5 tiegħu;

(b)

meta ma tkunx ikkalkulat il-pożizzjoni tagħha, tkun soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4 għal kuntratti tad-derivati OTC futuri fil-klassijiet tal-assi kollha u għar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 11(3);

(ba)

meta r-riżultat tal-kalkolu msemmi fl-ewwel subparagrafu jaqbeż il-livelli limitu tal-ikklerjar speċifikati skont il-punt (b) tal-paragrafu 4 , tkun soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4 għal kuntratti tad-derivati OTC futuri fil-klassi tal-assi jew fil-klassijiet tal-assi li għalihom inqabeż il-livell limitu tal-ikklerjar u tkun eżentata mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(3) fil-klassi tal-assi jew fil-klassijiet tal-assi l-oħra li għalihom ma nqabiżx il-livell limitu tal-ikklerjar ;

(c)

tikklerja l-kuntratti msemmija fil-punt (b) fi żmien erba' xhur minn meta ssir soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar.

2.   Kontroparti mhux finanzjarja li tkun saret soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 u sussegwentement turi lill-awtorità maħtura skont il-paragrafu 5 li l-pożizzjoni medja tagħha tal-aħħar tax-xahar aggregata għat-12-il xahar preċedenti m'għadhiex taqbeż il-livelli limiti tal-ikklerjar imsemmija fil-paragrafu 1, m'għandhiex tibqa' soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 4.

3.   Fil-kalkolu tal-pożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-kontroparti mhux finanzjarja għandha tinkludi l-kuntratti tad-derivati OTC kollha konklużi mill-kontroparti mhux finanzjarja jew minn entitajiet mhux finanzjarji oħra fil-grupp li għalih il-kontroparti mhux finanzjarja tappartjeni, li mhumiex oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji relatati direttament mal-attività kummerċjali jew attività ta' finanzjament tat-teżor tal-kontroparti mhux finanzjarja jew ta' dak il-grupp.

4.   Biex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, wara li tikkonsulta mal-BERS u awtoritajiet rilevanti oħra, li jispeċifikaw:

(a)

il-kriterji biex jiġi stabbilit liema kuntratti tad-derivati OTC huma oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew ta' finanzjament tat-teżor imsemmija fil-paragrafu 3; u

(b)

il-valuri tal-limiti tal-ikklerjar, li jiġu ddeterminati filwaqt li tiġi kkunsidrata r-rilevenza sistemika tas-somma tal-pożizzjonijiet netti u l-iskoperturi għal kull kontroparti u għal kull klassi ta' derivati OTC.

L-ESMA tista' tiżviluppa livelli limitu tal-ikklerjar distinti għall-kontropartijiet finanzjarji u mhux finanzjarji filwaqt li tqis l-interkonnessjoni tal-kontropartijiet finanzjarji u r-riskju sistemiku ogħla tagħhom.

Wara li twettaq konsultazzjoni miftuħa mal-pubbliku, l-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta' Settembru 2012 u għandha taġġornahom regolarment .

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Wara li tikkonsulta mal-BERS u awtoritajiet rilevanti oħra, l-ESMA għandha teżamina perjodikament il-livelli limitu msemmija fil-punt (b) u, fejn meħtieġ, b'mod partikolari biex tiżgura parteċipazzjoni akbar fl-ikklerjar ċentrali , tipproponi standards tekniċi regolatorji sabiex dawn jiġu emendati.”;

(8a)

Fl-Artikolu 11, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu m'għandhomx japplikaw għat-tranżazzjonijiet intragrupp kif imsemmi fl-Artikolu 3 meta waħda mill-kontropartijiet tkun kontroparti mhux finanzjarja li ma tkunx soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1).”;

(8b)

Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

“3.     Il-kontropartijiet finanzjarji għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju li jirrikjedu l-iskambju fil-ħin, preċiż u segregat b'mod xieraq tal-kollateral fir-rigward tal-kuntratti tad-derivati OTC konklużi fis-16 ta' Awwissu 2012 jew wara. Il-kontropartijiet mhux finanzjarji kif imsemmija fl-Artikolu 10 ma jistgħux japplikaw proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju li jirrikjedu l-iskambju fil-ħin, preċiż u segregat b'mod xieraq tal-kollateral fir-rigward tal-kuntratti tad-derivati OTC li jkunu fil-klassi tal-assi jew fil-klassijiet tal-assi li għalihom ma jkunx inqabeż il-livell limitu tal-ikklerjar. ”;

(9)

Il-paragrafu 15 tal-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju, inklużi l-livelli u t-tip ta' arranġamenti tal-kollateral u s-segregazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, kif ukoll proċeduri superviżorji relatati biex tiġi żgurata l-validazzjoni inizjali u kontinwa ta' dawk il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju;”;

(b)

L-ewwel sentenza tas-subparagrafu 2 hija sostitwita b'dan li ġej:

“L-ASE għandhom jissottomettu dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [ 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju].”;

(10)

Fl-Artikolu 38, jiżdiedu l-paragrafi 6 u 7 li ġejjin:

“6.   CCP għandha tipprovdi lill-membri tal-ikklerjar tagħha għodda ta' simulazzjoni li tippermettilhom jiddeterminaw l-ammont fuq bażi grossa, tal-marġni inizjali addizzjonali li s-CCP tista' tirrikjedi wara l-ikklerajr ta' tranżazzjoni ġdida. Dik l-għodda għandha tkun aċċessibbli biss fuq bażi ta' aċċess sigur u r-riżultati tas-simulazzjoni m'għandhomx ikunu vinkolanti.

7.   CCP għandha tipprovdi lill-membri tal-ikklerjar tagħha informazzjoni fuq il-mudelli tal-marġni inizjali li tuża. Dik l-informazzjoni għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

tispjega b'mod ċar id-disinn tal-mudell tal-marġni inizjali u kif jopera;

(b)

tiddeskrivi b'mod ċar is-suppożizzjonijiet u l-limitazzjonijiet ewlenin tal-mudell tal-marġni inizjali u ċ-ċirkostanzi li taħthom dawn is-suppożizzjonijiet ma jkunux iżjed validi;

(c)

tkun iddokumentata.”;

(11)

Fl-Artikolu 39, jiżdied il-paragrafu 11 li ġej:

“11.    Il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri dwar l-insolvenza m'għandhomx iwaqqfu lil CCP milli taġixxi f'konformità mal-paragrafi 5 sa 7 tal-Artikolu 48 fir-rigward tal-assi u l-pożizzjonijiet irreġistrati fil-kontijiet imsemmija fil-paragrafi 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu. ”;

(12)

L-Artikolu 56 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 55(1), repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jippreżenta waħda minn dawn li ġejjin lill-ESMA:

(a)

applikazzjoni għar-reġistrazzjoni;

(b)

applikazzjoni għal estensjoni tar-reġistrazzjoni fejn ir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikun diġà rreġistrat taħt il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2015/2365.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Biex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta' dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw dan li ġej:

(a)

id-dettalji tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a);

(b)

id-dettalji ta' applikazzjoni ssimplifikata għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b).

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [UP daħħal id-data 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu b'konformità mal-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw dan li ġej:

(a)

il-format tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a);

(b)

il-format tal-applikazzjoni għal estensjoni tar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b).

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha tiżviluppa format issimplifikat.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [UP daħħal id-data 9 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(12a)

Fl-Artikolu 62, il-paragrafu 5 huwa mħassar.

(12b)

Fl-Artikolu 63, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.     Biex twettaq dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista' twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fil-post fi kwalunkwe bini jew proprjetà tan-negozju tal-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 61(1). Meta t-twettiq u l-effiċjenza adatti tal-ispezzjonijiet ikunu jeħtieġu hekk, l-ESMA tista' twettaq spezzjonijiet fil-post mingħajr notifika minn qabel.”;

(12c)

Fl-Artikolu 63, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.     L-uffiċjali u persuni oħra awtorizzati mill-ESMA biex iwettqu spezzjoni fil-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini jew proprjetà tan-negozju tal-persuni ġuridiċi soġġetti għal deċiżjoni ta' investigazzjoni adottata mill-ESMA u għandu jkollhom is-setgħat kollha kif imsemmija fl-Artikolu 62(1). Għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jissiġillaw kwalunkwe bini u ktieb jew reġistru ta' negozju għall-perjodu tal-ispezzjoni u sal-limitu meħtieġ għall-ispezzjoni.”;

(12d)

Fl-Artikolu 63, il-paragrafu 8 huwa mħassar.

(12e)

Fl-Artikolu 64, il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

“4.     Meta jissottometti l-fajl bis-sejbiet lill-ESMA, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinnotifika lill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet. Tali persuni għandhom ikunu intitolati jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta' persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta' aċċess għall-fajl m'għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-ESMA. ”;

(12f)

Fl-Artikolu 64, il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“8.     L-ESMA għandha tirreferi kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritajiet xierqa għal investigazzjoni u prosekuzzjoni kriminali possibbli meta, fit-twettiq ta' dmirijietha skont dan ir-Regolament, hija ssib li jkun hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta' fatti li taf li jkunu jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali skont il-liġi applikabbli. Barra minn hekk, l-ESMA għandha żżomm lura milli timponi multi jew pagamenti tal-penali perjodiċi meta tkun taf li liberazzjoni mill-akkuża jew kundanna minn qabel li tirriżulta minn fatt identiku jew fatti li jkunu sostanzjalment l-istess tkun diġà saret res judicata b'riżultat ta' proċedimenti kriminali skont id-dritt nazzjonali.”;

(12g)

Fl-Artikolu 65(1), it-tieni subparagrafu huwa mħassar.

(13)

L-Artikolu 65(2) huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a), “EUR 20 000”hija sostitwita b'“EUR 200 000”;

(b)

fil-punt (b), “EUR 10 000”hija sostitwita b'“EUR 100 000”;

(c)

jiddaħħal il-punt (c) li ġej:

“(c)

għall-ksur imsemmi fit-Taqsima IV tal-Anness I, l-ammont tal-multi għandu jkun mill-inqas EUR 5 000 u m'għandux jaqbeż EUR 10 000.”;

(13a)

Fl-Artikolu 67(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti biex tiġi evitata ħsara sinifikanti u imminenti lis-sistema finanzjarja jew ħsara sinifikanti u imminenti lill-integrità, it-trasparenza, l-effiċjenza u l-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji, inklużi l-istabbiltà jew il-preċiżjoni tad-data rrapportata lil repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet. F'każ bħal dan, l-ESMA tista' tadotta deċiżjoni interim u għandha tagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu mill-aktar fis possibbli wara li tieħu d-deċiżjoni tagħha.”;

(14)

Fl-Artikolu 72, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-ammont ta' tariffa mitluba lil repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jkopri l-ispejjeż amministrattivi raġonevoli kollha mġarrba mill-ESMA għar-reġistrazzjoni u l-attivitajiet ta' superviżjoni tagħha u għandu jkun proporzjonat għall-fatturat tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikkonċernat u t-tip ta' reġistrazzjoni u superviżjoni eżerċitati.”;

(15)

Jiddaħħal l-Artikolu 76a li ġej:

“Artikolu 76a

Aċċess dirett reċiproku għad-data

1.   Meta meħtieġ għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom, l-awtoritajiet rilevanti ta' pajjiżi terzi li fihom huwa stabbilit repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet wieħed jew aktar għandu jkollhom aċċess dirett għall-informazzjoni f'repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni, dment li l-Kummissjoni tkun adottat att ta' implimentazzjoni skont il-paragrafu 2 għal dak l-għan.

2.   Mal-preżentazzjoni ta' talba mill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni, skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 86(2), fejn jiġi ddeterminat jekk il-qafas legali tal-pajjiż terz tal-awtorità rikjedenti jkunx jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet stabbiliti f'dak il-pajjiż terz ikunu awtorizzati kif suppost;

(b)

is-superviżjoni effettiva tar-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet u l-infurzar effettiv tal-obbligi tagħhom f'dak il-pajjiż terz isiru fuq bażi kontinwa;

(c)

ikunu jeżistu garanziji ta' segretezza professjonali u dawk il-garanziji jkunu mill-inqas ekwivalenti għal dawk stipulati f'dan ir-Regolament, inkluża l-protezzjoni ta' sigrieti kummerċjali kondiviżi ma' partijiet terzi mill-awtoritajiet;

(d)

ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet awtorizzati f'dak il-pajjiż terz ikunu soġġetti għal obbligu legalment vinkolanti u infurzabbli li jagħtu lill-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 81(3) aċċess dirett u immedjat għad-data.”;

(16)

Fl-Artikolu 78, jiżdiedu l-paragrafi 9 u 10 li ġejjin:

“(9)   Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi l-proċeduri u l-politiki li ġejjin:

(a)

proċeduri għar-rikonċiljazzjoni effettiva tad-data bejn ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet;

(b)

proċeduri biex jiġu assigurati l-kompletezza u l-preċiżjoni tad-data rrapportata;

(c)

politiki għat-trasferiment b'mod ordnat tad-data lejn repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet oħrajn fejn ikun mitlub mill-kontropartijiet jew mis-CCPs imsemmija fl-Artikolu 9 jew inkella meta jkun meħtieġ.

(10)   Bil-għan li tiżgura applikazzjoni konsistenti ta' dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)

il-proċeduri għar-rikonċiljazzjoni tad-data bejn ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet;

(b)

il-proċeduri li għandhom jiġu applikati mir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet biex tiġi vverifikata l-konformità mill-kontroparti tar-rapportar jew mill-entità li tippreżenta mar-rekwiżiti ta' rapportar u biex jiġu vverifikati l-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni rrapportata skont l-Artikolu 9.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa … [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu b'konformità mal-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(17)

L-Artikolu 81 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (q) li ġej huwa miżjud mal-paragrafu 3:

“(q)

l-awtoritajiet rilevanti ta' pajjiż terz li fir-rigward tiegħu jkun ġie adottat att ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 76(a);”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.   Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-kontropartijiet u lis-CCPs imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1a) bl-informazzjoni rrapportata f'isimhom.”;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan l-Artikolu, l-ESMA għandha, wara li tikkonsulta mal-membri tas-SEBĊ, tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw dan li ġej:

(a)

l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata jew magħmula disponibbli skont il-paragrafi 1 u 3;

(b)

il-frekwenza tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1;

(c)

l-istandards operattivi meħtieġa biex tiġi aggregata u mqabbla d-data minn repożitorju għal ieħor u biex l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3 jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni;

(d)

it-termini u l-kundizzjonijiet, l-arranġamenti u d-dokumentazzjoni meħtieġa li taħthom ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jagħtu aċċess lill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [UP daħħal id-data 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju ].

Fl-iżvilupp ta' dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, l-ESMA għandha tiżgura li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tiżvelax l-identità ta' kwalunkwe parti għal kwalunkwe kuntratt.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu b'konformità mal-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(18)

L-Artikolu 82(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 1(6), l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 64(7), l-Artikolu 70, l-Artikolu 72(3), l-Artikolu 76a u l-Artikolu 85(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat.”;

(19)

L-Artikolu 85 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Sa … [tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tipprepara rapport ġenerali. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' kwalunkwe proposta adatta.”

(aa)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.     Sa … [tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], l-ESMA għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li janalizza l-impatt fuq il-parteċipanti fis-suq tal-bidliet introdotti bir-Regolament (UE) 2018/… [dan ir-Regolament emendatorju] għas-sistema ta' rapportar. B'mod partikolari, dak ir-rapport għandu jivvaluta l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rispettivi li jippermettu d-delega tar-rapportar lill-kontropartijiet finanzjarji u li jirrikjedu r-rapportar tal-kuntratti mis-CCPs u l-investigazzjoni ta' jekk dawk id-dispożizzjonijiet il-ġodda kellhomx l-effett intenzjonat li jnaqqsu l-piż tar-rapportar għal kontropartijiet iżgħar. Għandu jinvestiga wkoll kif dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda affettwaw il-kompetizzjoni bejn ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet u jekk u l-punt sa fejn dawn irriżultaw f'ambjent inqas kompetittiv u inqas libertà tal-għażla għall-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tagħhom.

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Sa [sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju, u kull sena minn hemm 'il quddiem sa … sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], il-Kummissjoni għandha tħejji rapport li jivvaluta jekk ġewx żviluppati soluzzjonijiet tekniċi vijabbli għat-trasferiment mill-PSAs ta' kollateral fi flus jew mhux fi flus bħala marġni ta' varjazzjoni u l-ħtieġa għal kwalunkwe miżura biex jiġu ffaċilitati dawk is-soluzzjonijiet tekniċi.

L-ESMA għandha, sa [sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], u kull sena minn hemm 'il quddiem sa … [sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], f'kooperazzjoni mal-EIOPA, l-EBA u l-BERS, tissottometti rapport lill-Kummissjoni, li jivvaluta dan li ġej:

(a)

jekk is-CCPs, il-membri tal-ikklerjar u l-PSAs għamlux sforz xieraq u żviluppawx soluzzjonijiet tekniċi vijabbli li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-PSAs fl-ikklerjar ċentrali billi jiġi impustat kollateral fi flus jew mhux fi flus bħala marġni ta' varjazzjoni, inklużi l-implikazzjonijiet ta' dawk is-soluzzjonijiet fuq il-likwidità u l-proċikliċità fis-suq u l-implikazzjonijiet legali potenzjali tagħhom jew implikazzjonijiet oħra ;

(b)

il-volum u n-natura tal-attività tal-PSAs fi swieq tad-derivati OTC ikklerjati u mhux ikklerajti, skont il-klassi tal-assi, u kwalunkwe riskju sistemiku relatat mas-sistema finanzjarja;

(c)

il-konsegwenzi li l-PSAs jissodisfaw ir-rekwiżit tal-ikklerjar fuq l-istrateġiji tal-investiment tagħhom, inkluż kwalunkwe tibdil fl-allokazzjoni tagħhom ta' assi fi flus u mhux fi flus;

(d)

l-implikazzjonijiet tal-livelli limitu tal-ikklerajr imsemmija fl-Artikolu 10(4) għall-PSAs;

(e)

l-impatt ta' rekwiżiti legali oħrajn fuq id-differenzjal tal-ispejjeż bejn tranżazzjonijiet tad-derivati OTC ikklerjati u mhux ikklerjati, inklużi rekwiżiti tal-marġni għal derivati mhux ikklerjati u l-kalkolu tal-proporzjon ta' ingranaġġ imwettaq skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(f)

jekk humiex neċessarji aktar miżuri biex tiġi ffaċilitata soluzzjoni ta' kklerjar għall-PSAs.

Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 82 biex testendi l-perjodu ta' tliet snin imsemmi fl-Artikolu 89(1) darba, b'sentejn, meta tikkonkludi li ma ġiet żviluppata ebda soluzzjoni teknika vijabbli u li l-effett avvers tal-ikklerjar b'mod ċentrali ta' kuntratti tad-derivati fuq il-benefiċċji tal-irtirar ta' pensjonanti futuri jibqa' mhux mibdul.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Sa … [sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju] ▌il-Kummissjoni għandha :

(a)

tippreżenta proposta għal soluzzjoni vinkolanti, għajr eżenzjonijiet permanenti jew temporanji oħra tal-PSAs mill-obbligu tal-ikklerjar, jekk tqis li ma nstabet ebda soluzzjoni mill-partijiet ikkonċernati; jew

(b)

tadotta att delegat skont l-Artikolu 82 biex testendi l-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu  89(1) darba, b'sena, biss jekk tqis li ntlaħaq qbil dwar soluzzjoni mill-partijiet ikkonċernati u li jinħtieġ żmien addizzjonali għall-implimentazzjoni ta' dik is-soluzzjoni ; jew

(c)

tħalli l-eżenzjoni tiskadi, filwaqt li tħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati jimplimentaw is-soluzzjoni tagħhom minn qabel jekk tqis li nstabet soluzzjoni.

(ca)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.     Sa … [tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 82 biex testendi l-perjodu ta' tliet snin imsemmi fl-Artikolu 89(1a) darba, b'sentejn, biss jekk tqis li l-PSAs iż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 89(1a) ikunu għamlu l-isforzi meħtieġa biex jiżviluppaw soluzzjonijiet tekniċi xierqa vijabbli u li l-effetti avversi tal-ikklerjar b'mod ċentrali tal-kuntratti tad-derivati fuq il-benefiċċji tal-irtirar tal-pensjonanti jibqa' ma jinbidilx;

3b.     L-ESMA għandha, sa … [12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], tippreżenta rapport lill-Kummissjoni li jivvaluta jekk il-lista ta' strumenti finanzjarji li huma meqjusa bħala likwidi ħafna b'riskju tas-suq u riskju ta' kreditu minimu, skont l-Artikolu 47, tistax tiġi estiża u jekk din il-lista tistax tinkludi fond wieħed jew aktar tas-suq monetarju awtorizzati skont ir-Regolament (UE) 2017/1131.”;

(e)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“6.     Sa … [sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-ESMA, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konformità tal-obbligu ta' negozjar għad-derivati taħt ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 mal-bidliet magħmula taħt ir-Regolament (UE) 2018/… [dan ir-Regolament emendatorju] għall-obbligu tal-ikklerjar għad-derivati, b'mod partikolari fir-rigward tal-ambitu tal-entitajiet soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar kif ukoll il-mekkaniżmu ta' sospensjoni. Jekk tali allinjament jitqies meħtieġ u xieraq, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva li tintroduċi l-bidliet meħtieġa.

7.     L-ESMA għandha, sa … [18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], f'kooperazzjoni mal-EIOPA u l-EBA, tippreżenta rapport lill-Kummissjoni li jivvaluta jekk il-prinċipju ta' termini kummerċjali ġusti, raġonevoli, mhux diskriminatorji u trasparenti msemmi fl-Artikolu 4(3a) kienx effettiv fl-iffaċilitar tal-aċċess għall-ikklerjar.

Il-Kummissjoni għandha, sa… [sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta jekk il-prinċipju ta' termini kummerċjali ġusti, raġonevoli, mhux diskriminatorji u trasparenti kienx effettiv fl-iffaċilitar tal-aċċess għall-ikklerjar, u li jipproponi, meta jkun meħtieġ, titjib għal dak il-prinċipju. Dak ir-rapport għandu jikkunsidra s-sejbiet tar-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu u għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva, meta jkun xieraq.

8.     Sa … [12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], il-Kummissjoni għandha tħejji rapport li jivvaluta jekk it-tranżazzjonijiet li jirriżultaw direttament minn servizzi ta' tnaqqis tar-riskju wara n-negozjar, inkluża kompressjoni tal-portafoll, għandhomx jiġu eżentati mill-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4(1). F'dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tqis, b'mod partikolari, kemm fil-fatt itaffu r-riskji, b'mod partikolari r-riskju ta' kreditu tal-kontroparti u r-riskju operattiv, kif ukoll il-potenzjal ta' ċirkomvenzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar u l-potenzjal li jiġi diżinċentivat l-ikklerjar ċentrali. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' kwalunkwe proposta leġiżlattiva xierqa.

Biex tassisti lill-Kummissjoni fl-elaborazzjoni tar-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha, sa… [sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], f'kooperazzjoni mal-BERS, tippreżenta rapport lill-Kummissjoni li jivvaluta jekk it-tranżazzjonijiet li jirriżultaw direttament minn servizzi ta' tnaqqis tar-riskju wara n-negozjar, inkluża l-kompressjoni tal-portafoll, għandhomx jiġu eżentati mill-obbligu tal-ikklerjar. Dak ir-rapport għandu jinvestiga l-kompressjoni tal-portafoll u servizzi disponibbli oħrajn ta' tnaqqis tar-riskju wara n-negozjar li ma jifformawx prezz, li jnaqqsu r-riskji mhux tas-suq fil-portafolli tad-derivati mingħajr ma jinbidel ir-riskju tas-suq tal-portafolli, bħal tranżazzjonijiet ta' riekwilibriju. Għandu jispjega wkoll l-iskopijiet u l-funzjonament ta' tali servizzi ta' tnaqqis tar-riskju wara n-negozjar, kemm fil-fatt itaffu r-riskji, b'mod partikolari r-riskju ta' kreditu tal-kontroparti u r-riskju operattiv, u jivvaluta l-ħtieġa li jiġu kklerjati tali tranżazzjonijiet, jew li jiġu eżentati milli jikklerjaw, sabiex jiġi ġestit ir-riskju sistemiku. Għandu jivvaluta wkoll kemm fil-fatt kwalunkwe eżenzjoni mill-obbligu tal-ikklerjar għal tali servizzi tista' twassal għaċ-ċirkomvenzjoni min-naħa tal-kontropartijiet tal-obbligu tal-ikklerjar.

9.     Abbażi, inter alia, tas-sejbiet tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar il-kontroll tal-idoneità fuq ir-rapportar superviżorju li ġew ippubblikati fl-1 ta' Diċembru 2017 u fuq ir-rapport ippreżentat mill-ESMA skont it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha, sa [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], tanalizza u tirrapporta dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1a). Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' kwalunkwe proposta leġiżlattiva xierqa. Meta tanalizza l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1a), il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-obbligu li jiġu rrapportati t-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 joħloqx duplikazzjoni mhux meħtieġa tar-rapportar tat-tranżazzjonijiet għal derivati mhux OTC u jekk ir-rekwiżit li jiġu rrapportati t-tranżazzjonijiet mhux OTC skont l-Artikolu 9(1a) jistax jitnaqqas mingħajr telf bla bżonn ta' informazzjoni bil-għan li jiġu ssimplifikati l-ktajjen tar-rapportar għal derivati mhux OTC għall-kontropartijiet kollha, b'mod partikolari għal kontropartijiet mhux finanzjarji li mhumiex soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1).

L-ESMA għandha, sa … [sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], f'kooperazzjoni mal-BERS, tippreżenta rapport lill-Kummissjoni, li jivvaluta dan li ġej:

(a)

il-konsistenza bejn ir-rekwiżiti tar-rapportar għal derivati mhux OTC skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u skont l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament, kemm f'termini tad-dettalji tal-kuntratt tad-derivati rrapportati, kif ukoll f'termini tal-aċċess għad-data mill-entitajiet rilevanti;

(b)

jekk huwiex possibbli li jiġu allinjati r-rekwiżiti tar-rapportar għal derivati mhux OTC skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u skont l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament, kemm f'termini tad-dettalji tal-kuntratt tad-derivati rrapportati, kif ukoll f'termini tal-aċċess għad-data mill-entitajiet rilevanti; u

(c)

il-fattibbiltà li jiġu ssimplifikati l-ktajjen tar-rapportar għall-kontropartijiet kollha, inklużi l-klijenti indiretti kollha, filwaqt li titqies il-ħtieġa għar-rapportar f'waqtu u l-atti u l-miżuri adottati skont l-Artikolu 4(4) ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

(20)

Fl-Artikolu 89, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Sa … [sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], l-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 m'għandux japplika għall-kuntratti tad-derivati OTC li huma oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji ta' investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja tal-PSAs, u għal entitajiet stabbiliti biex jipprovdu kumpens lill-membri ta' PSAs f'każ ta' inadempjenza ta' PSA.

Il-PSA, is-CCPs u l-membri tal-ikklerjar għandhom jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi li jiffaċilitaw l-ikklerjar ta' tali kuntratti tad-derivati OTC mill-PSAs.

Il-Kummissjoni għandha twaqqaf grupp ta' esperti magħmul minn rappreżentanti tal-PSAs, is-CCPs, il-membri tal-ikklerjar u partijiet rilevanti oħra għal tali soluzzjonijiet tekniċi biex jimmonitorja l-isforzi tagħhom u jivvaluta l-progress li jkun sar fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi li jiffaċilitaw l-ikklerjar ta' tali kuntratti tad-derivati OTC mill-PSAs. Il-grupp ta' esperti għandu jiltaqa' tal-inqas kull sitt xhur. Il-Kummissjoni għandha tqis l-isforzi li jkunu saru mill-PSAs, is-CCPs u l-membri tal-ikklerjar meta tabbozza r-rapporti tagħha skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 85(2).”;

(20a)

Fl-Artikolu 89, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.     Minkejja l-paragrafu 1, sa … [tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], l-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 m'għandux japplika għall-kuntratti tad-derivati OTC li huma oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji ta' investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja tal-PSAs li jappartjenu għall-kategorija ta' PSAs żgħar, u għal entitajiet stabbiliti biex jipprovdu kumpens lill-membri ta' dawk il-PSAs f'każ ta' inadempjenza ta' tali PSA.

Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 82 biex tissupplementa dan ir-Regolament billi tiddetermina liema PSAs jistgħu jitqiesu bħala PSAs żgħar skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, filwaqt li jitqies li l-kategorija tal-PSAs żgħar m'għandhiex tirrappreżenta aktar minn 5 % tal-kuntratti tad-derivati OTC konklużi mill-PSAs. ”;

(21)

L-Anness I huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament japplika minn … [ħames xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju].

Minkejja t-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu , l-Artikolu 1(7)(d), u l-paragrafi 8, 10, u 11 tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw minn [6 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju] u l-Artikolu 1(2)(c), l-Artikolu 1(7)(e), l-Artikolu 1(9), punti (b) u (c) tal-Artikolu 1(12) u l-Artikolu 1(16) għandhom japplikaw minn [18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju].

Jekk dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ wara s-16 ta' Awwissu 2018, l-Artikolu 89(1) għandu japplika b'mod retroattiv għall-kuntratti tad-derivati OTC kollha eżegwiti mill-PSAs wara s-16 ta' Awwissu 2018 u qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C […], […], p. […].

(2)  ĠU C […], […], p. […].

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (ĠU …) u d-deċiżjoni tal-Kunsill ta' …

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(6)  http://www.bis.org/cpmi/publ/d106.pdf

(7)  http://www.bis.org/cpmi/publ/d125.pdf

(8)  Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(14)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(15)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(16)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).”

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).”


ANNESS

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-Taqsima I, jiżdiedu l-punti (i), (j) u (k) li ġejjin:

"(i)

repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikun jikser l-Artikolu 78(9)(a) jekk ma jistabbilix proċeduri adegwati għar-rikonċiljazzjoni tad-data bejn ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet;

(j)

repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikun jikser l-Artikolu 78(9)(a) jekk ma jistabbilix proċeduri adegwati biex jiżgura l-kompletezza u l-preċiżjoni tad-data rapportata;

(k)

repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikun jikser l-Artikolu 78(9)(c) jekk ma jistabbilix linji ta' politika adegwati għat-trasferiment bl-ordni ta' data lejn repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet oħrajn meta mitlub mill-kontropartijiet u s-CCPs imsemmija fl-Artikolu 9 jew meta jkun meħtieġ mod ieħor.";

(2)

Fit-Taqsima IV, jiżdied il-punt (d) li ġej:

"(d)

repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikun jikser l-Artikolu 55(4) meta ma jinnotifikax lill-ESMA fil-ħin dovut b'tibdil materjali fil-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tiegħu.".


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/149


P8_TA(2018)0245

Regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u l-istabbiliment ta' Aġenzija tal-Unjoni Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2015)0613 – C8-0389/2015 – 2015/0277(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2020/C 28/17)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0613),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0389/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati preżentati mis-Senat Taljan u l-Parlament Malti, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2016 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-12 ta' Ottubru 2016 (2),

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-22 ta' Diċembru 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0364/2016),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 111.

(2)  ĠU C 88, 21.3.2017, p. 69.


P8_TC1-COD(2015)0277

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2018/1139).


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/151


P8_TA(2018)0246

Emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty ġodda ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty ġodda u l-konsum tal-fjuwil tagħhom (COM(2017)0279 - C8-0168/2017 – 2017/0111(COD)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2020/C 28/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0279),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0168/2017),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Ottubru 2017 (1),

wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' April 2018, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0010/2018),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 95.


P8_TC1-COD(2017)0111

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) ... / 2018 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta' CO2 u tal-konsum ta' fjuwil minn vetturi heavy-duty ġodda

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2018/956).


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONIJIET MAGĦMULA MILL-KUMMISSJONI

Proposta dwar standards tas-CO2 mill-HDVs

Kif imħabbar fit-8 ta’ Novembru 2017 fil-Komunikazzjoni “It-Twettiq ta’ mobilità b’emissjonijiet baxxi — Unjoni Ewropea li tipproteġi l-pjaneta, tagħti s-setgħa lill-konsumaturi u tiddefendi l-industrija u l-ħaddiema tagħha”(COM(2017)0675 final), il-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta t-tielet pakkett tal-mobilità fl-ewwel nofs ta’ Mejju 2018, li jinkludi proposta li tistabbilixxi standards għall-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju għat-trakkijiet.

Kalendarju tal-iżvilupp tar-Regolament dwar il-VECTO/Ċertifikazzjoni

Il-Kummissjoni qed issegwi l-iżvilupp tekniku tal-għodda għall-Kalkolu tal-Konsum tal-Enerġija tal-Vetturi (VECTO) bil-ħsieb li jiġu inklużi teknoloġiji ġodda magħrufa mill-2020 ’il quddiem u tipi oħra ta’ vetturi, jiġifieri t-trakkijiet, ix-xarabanks u l-coaches li jifdal mill-2020 u t-trejlers mill-2021.

Aktar informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-għodda VECTO kif ukoll l-emendar tar-Regolament (UE) 2017/2400 se tkun ippubblikata fuq is-siti elettroniċi rilevanti tal-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-partijiet interessati u l-operaturi ekonomiċi jkunu infurmati regolarment.

Żvilupp ta’ test ta’ verifika fit-triq skont ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikazzjoni

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza tad-dejta robusta u rappreżentattiva dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum tal-fjuwil minn vetturi heavy-duty.

Ir-Regolament (UE) 2017/2400 għalhekk huwa maħsub li jkun ikkumplimentat bi proċedura għall-verifikar u l-iżgurar tal-konformità tal-operazzjoni VECTO kif ukoll tal-karatteristiki marbuta mas-CO2 u mal-konsum tal-fjuwil tal-komponenti, l-unitajiet tekniċi separati u s-sistemi rilevanti. Dik il-proċedura ta’ verifika, li għandha tinkludi l-ittestjar fit-triq ta’ vetturi heavy duty fil-produzzjoni, hija ppjanata għall-vot fil-Kumitat Tekniku - Vetturi bil-Mutur qabel tmiem l-2018.

Il-proċedura ta’ verifika hija maħsuba wkoll biex isservi bħala bażi għal test futur għall-verifika tal-prestazzjoni fis-servizz ta’ vetturi mill-manifatturi u mill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip, jew minn partijiet terzi indipendenti.


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/154


P8_TA(2018)0249

Il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (00007/2018 – C8-0216/2018 – 2017/0900(NLE))

(Approvazzjoni)

(2020/C 28/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (00007/2018),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (C8-0216/2018),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew u l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew annessa magħha (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0207/2018),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2018)0029.


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/155


P8_TA(2018)0250

Proċedimenti ta' insolvenza: annessi aġġornati għar-Regolament ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jissostitwixxi l-Anness A għar-Regolament (UE) 2015/848 dwar proċedimenti ta' insolvenza (COM(2017)0422 – C8-0238/2017 – 2017/0189(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2020/C 28/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0422),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0238/2017),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-23 ta' Mejju 2018, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0174/2018),

1.

Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali;

P8_TC1-COD(2017)0189

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jissostitwixxi l-Annessi A u B għar-Regolament (UE) 2015/848 dwar proċedimenti ta' insolvenza

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2018/946).


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/157


P8_TA(2018)0251

Ftehim bejn l-UE-Iżlanda dwar regoli supplementari għall-fruntieri esterni u l-viżas għall-perjodu mill-2014 sal-2020 ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (09228/2017 – C8-0101/2018 – 2017/0088(NLE))

(Approvazzjoni)

(2020/C 28/21)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (09228/2017),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (09253/2017),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0101/2018),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0196/2018),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Iżlanda.

27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/158


P8_TA(2018)0252

Ftehim bejn l-UE-Żvizzera dwar regoli supplimentari għall-fruntieri esterni u l-viżas għall-perjodu mill-2014 sal-2020 ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar regoli supplimentari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (06222/2018 – C8-0119/2018 – 2018/0032(NLE))

(Approvazzjoni)

(2020/C 28/22)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06222/2018),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar regoli supplimentari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (06223/2018),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0119/2018),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4), u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0195/2018),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Konfederazzjoni Żvizzera.

27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/159


P8_TA(2018)0253

L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta' Schengen marbuta mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija *

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta' Schengen marbuta mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (15820/1/2017 – C8-0017/2018 – 2018/0802(CNS))

(Konsultazzjoni)

(2020/C 28/23)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (15820/1/2017),

wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0017/2018),

wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0192/2018),

1.

Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/160


P8_TA(2018)0255

Assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ukrajna ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ukrajna (COM(2018)0127 – C8-0108/2018 – 2018/0058(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2020/C 28/24)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0127),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 212(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0108/2018),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-Deċiżjoni Nru 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li tipprovdi assistenza makro-finanzjarja ulterjuri lill-Georgia (1),

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-29 ta' Mejju 2018, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0183/2018).

1.

Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;

2.

Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU L 218, 14.8.2013, p. 15


P8_TC1-COD(2018)0058

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ukrajna

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Deċiżjoni (UE) 2018/947).


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEGISLATTIVA DIKJARAZZJONI KONĠUNTA MILL-PARLAMENT, IL-KUNSILL U L-KUMMISSJONI

Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru li kundizzjoni minn qabel għall-għoti ta’ għajnuna makrofinanzjarja hija li l-pajjiż benefiċjarju jirrispetta mekkaniżmi demokratiċi effettivi - inkluża sistema parlamentari b'diversi partiti - u l-istat tad-dritt, u jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kummissjoni u s-Servizzi ta’ Azzjoni Esterna Ewropej għandhom jimmonitorjaw it-twettiq ta’ din il-kundizzjoni minn qabel matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet mhux sodisfatti dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kanċellazzjoni relatata tat-tielet pagament tal-programm preċedenti ta’ għajnuna makrofinanzjarja skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/601, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jissottolinjaw dik il-makro -assistenza finanzjarja tkun kondizzjonali fuq il-progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Ukraina. Għal dak il-għan, il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji tal-Memorandum ta’ Ftehim li għandhom jiġu miftiehma bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina għandhom jinkludu fost l-oħrajn l-obbligi biex tissaħħaħ il-governanza, il-kapaċitajiet amministrattivi u l-istituzzjoni istituzzjonali b'mod partikolari għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Ukraina, l-aktar fir-rigward ta’ sistema ta’ verifika għad-dikjarazzjonijiet tal-assi, il-verifika tad-dejta ta’ sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji u qorti speċjalizzata kontra l-korruzzjoni li taħdem tajjeb f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-kundizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-evitar tat-taxxa. Bi qbil mal-Artikolu 4(4), fejn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni għandha temporanjament tissospendi jew tikkanċella l-iżborż tal-għajnuna makrofinanzjarja.

B'żieda biex tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi relatati mal-għajnuna u tipprovdihom b'dokumenti relevanti, il-Kummissjoni għandha, wara kull ħruġ, tirrapporta pubblikament dwar it-twettiq tal-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji kollha marbuta ma’ dan l-iżborżament, b'mod partikolari dawk dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru li din l-għajnuna makrofinanzjarja lill-Ukraina għandha tikkontribwixxi għal valuri kondiviżi mal-Unjoni Ewropea, inkluż żvilupp sostenibbli u soċjalment responsabbli li jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi u tnaqqis tal-faqar, u impenn għal soċjetà ċivili b'saħħitha. Il-Kummissjoni għandha takkumpanja l-abbozz ta’ Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-Memorandum ta’ Qbil b'analiżi ta' l-impatt soċjali mistennija tal-għajnuna makrofinanzjarja. Skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 din l-analiżi se tiġi sottomessa lill-Kumitat tal-Istat Membru u għandha tkun disponibbli għall-Parlament u għall-Kunsill permezz tar-reġistru tal-proċeduri tal-kumitat.


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/163


P8_TA(2018)0263

Test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet (COM(2016)0822 – C8-0012/2017 – 2016/0404(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2020/C 28/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0822),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 46, 53(1) u 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0012/2017),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Bundestag Ġermaniż, il-Bundesrat Ġermaniż, l-Assemblea Nazzjonali Franċiża, is-Senat Franċiż, il-Kunsill Federali Awstrijak, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Mejju 2017 (1),

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitati responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill permezz tal-ittra tal-20 ta' April 2018, li japprova l-pożizzjoni msemmija, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0395/2017),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 43.


P8_TC1-COD(2016)0404

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Deċiżjoni (UE) 2018/958).


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/165


P8_TA(2018)0264

L-użu ta' vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta' merkanzija bit-triq ***I

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-14 ta' Ġunju 2018 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/1/KE dwar l-użu ta' vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta' merkanzijabit-triq (COM(2017)0282 – C8-0172/2017 – 2017/0113(COD)) (1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2020/C 28/26)

Emenda 1

Proposta għal direttiva

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

 

Emenda

(2)

L-użu ta' vetturi mikrija jista' jnaqqas l-ispejjeż ta' impriżi li jittrasportaw merkanzija f'isimhom jew f'isem ħaddieħor, u fl-istess ħin iżid il-flessibbiltà operattiva. Għalhekk, dan jista' jagħti kontribut għal żieda fil-produttività u fil-kompetittività tal-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, peress li hemm it-tendenza li l-vetturi mikrija jkunu inqas antiki mill-flotta medja, dawn ukoll ikunu aktar sikuri u jniġġsu inqas.

 

(2)

Dan l-użu ta' vetturi mikrija jista' jnaqqas l-ispejjeż ta' impriżi li jittrasportaw merkanzija f'isimhom jew f'isem ħaddieħor, u fl-istess ħin iżid il-flessibbiltà operattiva. Dan l-użu ta' vetturi mikrija jista' għaldaqstant jagħti kontribut għal żieda fil-produttività u fil-kompetittività tal-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, peress li hemm it-tendenza li l-vetturi mikrija jkunu inqas antiki mill-flotta medja, jista' jkun li dawn ikunu aktar sikuri u jniġġsu inqas.

Emenda 2

Proposta għal direttiva

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

 

Emenda

(3)

Id-Direttiva 2006/1/KE ma tippermettix li l-impriżi jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi li jġib miegħu l-użu ta' vetturi mikrija. Dik id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu l-użu mill-impriżi tagħhom ta' vetturi mikrija b'piż mgħobbi permissibbli massimu ta' mhux aktar minn sitt tunnellati għal operazzjonijiet tat-trasport f'isimhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jippermettu l-użu ta' vettura mikrija fuq it-territorji rispettivi tagħhom jekk il-vettura tkun ġiet irreġistrata jew tkun iddaħħlet fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura.

 

(3)

Id-Direttiva 2006/1/KE ma tippermettix li l-impriżi jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi li jġib miegħu l-użu ta' vetturi mikrija. Dik id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu l-użu, mill-impriżi stabbiliti fit-territorji tagħhom, ta' vetturi mikrija b'piż mgħobbi permissibbli massimu ta' mhux aktar minn sitt tunnellati għal operazzjonijiet tat-trasport f'isimhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri mhumiex obbligati jippermettu l-użu ta' vettura mikrija fit-territorji rispettivi tagħhom li tkun ġiet irreġistrata jew tkun iddaħħlet fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura.

Emenda 3

Proposta għal direttiva

Premessa 4a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

 

Emenda

 

 

(4a)

Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jitħallewx jillimitaw, fit-territorji rispettivi tagħhom, l-użu ta' vettura mikrija minn impriża stabbilita b'mod dovut fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, dment li l-vettura tkun reġistrata u konformi mal-istandards tal-operat u r-rekwiżiti tas-sikurezza, jew tiddaħħal fiċ-ċirkolazzjoni f'konformità mal-liġijiet ta' kwalunkwe Stat Membru u awtorizzata topera mill-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-impriża responsabbli.

Emenda 4

Proposta għal direttiva

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

 

Emenda

(5)

Il-livell ta' tassazzjoni fuq it-trasport bit-triq għadu jvarja b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. Għaldaqstant, ċerti restrizzjonijiet, li jaffettwaw ukoll b'mod indirett il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-kiri ta' vetturi, jibqgħu ġustifikati sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fiskali. Bħala riżultat ta' dan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jillimitaw it-tul ta' żmien li fih vettura mikrija fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża tista' tintuża fit-territorji rispettivi tagħhom .

 

(5)

Il-livell ta' tassazzjoni fuq it-trasport bit-triq għadu jvarja b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. Għaldaqstant, ċerti restrizzjonijiet, li jaffettwaw ukoll b'mod indirett il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-kiri ta' vetturi, jibqgħu ġustifikati bl-iskop li jiġu evitati distorsjonijiet fiskali. Bħala riżultat ta' dan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jillimitaw, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva u fit-territorji rispettivi tagħhom , it-tul ta' żmien li impriża stabbilita tista' tuża vettura mikrija rreġistrata jew imdaħħla fiċ-ċirkolazzjoni f'xi Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li dawn jitħallew jillimitaw ukoll l-għadd ta' tali vetturi li jkunu qegħdin jinkrew minn impriża stabbilita fit-territorji tagħhom.

Emenda 5

Proposta għal direttiva

Premessa 5a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

 

Emenda

 

 

(5a)

Sabiex jiġu infurzati dawn il-miżuri, l-informazzjoni dwar in-numru ta' reġistrazzjoni tal-vettura mikrija jenħtieġ li titniżżel fir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-Istati Membri kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' stabbiliment li qegħdin jiġu infurmati dwar l-użu ta' vettura li l-operatur ikun kera u li tkun irreġistrata jew iddaħħlet fiċ-ċirkolazzjoni f'konformità mal-liġijiet fi Stat Membru ieħor jenħtieġ li jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru partikolari. Jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw is-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) għal dan il-għan.

Emenda 6

Proposta għal direttiva

Premessa 6a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

 

Emenda

 

 

(6a)

Sabiex jinżammu l-istandards operattivi, jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tas-sikurezza u jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għas-sewwieqa, huwa importanti li t-trasportaturi jkollhom aċċess garantit għall-assi u infrastruttura ta' appoġġ dirett fil-pajjiż li fih iwettqu l-operazzjonijiet tagħhom.

Emenda 7

Proposta għal direttiva

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

 

Emenda

(7)

Jenħtieġ li l-implimentazzjoni u l-effetti ta' din id-Direttiva jiġu mmonitorjati mill-Kummissjoni u tiddokumentahom f'rapport. Jenħtieġ li kull azzjoni futura f'dan il-qasam tiġi kkunsidrata fid-dawl ta' dak ir-rapport.

 

(7)

Jenħtieġ li l-implimentazzjoni u l-effetti ta' din id-Direttiva jiġu mmonitorjati mill-Kummissjoni, u hija tiddokumentahom f'rapport mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva . Jenħtieġ li r-rapport iqis b'mod dovut l-impatt fuq is-sikurezza fit-toroq, fuq id-dħul mit-taxxa u fuq l-ambjent. Jenħtieġ li r-rapport jivvaluta wkoll kull ksur ta' din id-Direttiva, inklużi l-każijiet ta' ksur transkonfinali. Jenħtieġ li l-bżonn ta' azzjoni futura f'dan il-qasam jiġi kkunsidrat fid-dawl ta' dak ir-rapport.

Emenda 8

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt a – punt ii

Direttiva 2006/1/KE

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt a

Test propost mill-Kummissjoni

 

Emenda

(a)

il-vettura tkun irreġistrata jew tiddaħħal fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet ta' Stat Membru;";

 

(a)

il-vettura tkun irreġistrata jew tiddaħħal fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet ta' kwalunkwe Stat Membru, inklużi l-istandards operatorji u r-rekwiżiti tas-sikurezza ;

Emenda 9

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt b

Direttiva 2006/1/KE

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt b

Test propost mill-Kummissjoni

 

Emenda

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

‘1a.     Meta l-vettura ma tkunx irreġistrata jew ma tiddaħħalx fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet tal-Istat Membru li fih tkun ġiet stabbilita l-impriża li tikri l-vettura, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw iż-żmien tal-użu ta' vettura mikrija fit-territorji rispettivi tagħhom. Madankollu, f'każijiet bħal dawn l-Istati Membri għandhom jippermettu l-użu tal-vettura għal mill-inqas erba' xhur fi kwalunkwe sena kalendarja partikolari.’

 

imħassar

Emenda 10

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2

Direttiva 2006/1/KE

Artikolu 3 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

 

Emenda

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impriżi tagħhom ikunu jistgħu jużaw vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija bit-triq taħt l-istess kundizzjonijiet applikabbli għall-vetturi li jkunu proprjetà tagħhom, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.

 

1.    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impriżi stabbiliti fit-territorji tagħhom ikunu jistgħu jużaw vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija bit-triq taħt l-istess kundizzjonijiet applikabbli għall-vetturi li jkunu proprjetà tagħhom, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.

Emenda 11

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2

Direttiva 2006/1/KE

Artikolu 3 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

 

Emenda

 

 

1a.     Meta l-vettura tkun irreġistrata jew titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni f'konformità mal-liġijiet ta' Stat Membru ieħor, l-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-impriża jista':

(a)

jillimita ż-żmien ta' użu tal-vettura mikrija fit-territorju rispettiv tiegħu dment li jippermetti li l-vettura mikrija tintuża tal-inqas erba' xhur konsekuttivi fi kwalunkwe sena kalendarja partikolari; f'dan il-każ jista' jiġi stipulat li l-kuntratt tal-kiri ma jdumx aktar mil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Istat Membru;

(b)

jillimita n-numru ta' vetturi mikrija li jistgħu jintużaw minn kwalunkwe impriża, dment li dawn jippermettu l-użu ta' tal-inqas għadd ta' vetturi li jikkorrispondi għal 25 % tal-flotta ġenerali tal-vetturi għat-trasport tal-merkanzija li jkunu proprjetà tal-impriża fil-31 ta' Diċembru tas-sena qabel it-talba għal awtorizzazzjoni; f'dan il-każ impriża li jkollha flotta ġenerali ta' aktar minn vettura waħda u inqas minn erba' vetturi, għandha tkun tista' tuża tal-inqas waħda minn dawn il-vetturi mikrija."

Emenda 12

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2a (ġdid)

Direttiva 2006/1/KE

Artikolu 3a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

 

Emenda

 

 

(2 a)

jiddaħħal l-Artikolu 3a li ġej

“Artikolu 3a

1.     L-informazzjoni dwar in-numru ta' reġistrazzjoni ta' vettura mikrija għandha titniżżel fir-reġistru elettroniku nazzjonali kif definit fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009  (*1).

2.     L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' stabbiliment ta' operatur li jiġu informati dwar l-użu ta' vettura li l-operatur ikun kera u li tkun irreġistrata jew iddaħħlet fiċ-ċirkolazzjoni f'konformità mal-liġijiet ta' Stat Membru ieħor għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru partikolari.

3.     Il-kooperazzjoni amministrattiva prevista fil-paragrafu 2 għandha ssir permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012  (*2).

 

 

Emenda 13

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3

Direttiva 2006/1/KE

Artikolu 5a – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

 

Emenda

Sa mhux aktar tard minn […] , il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-effetti ta' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-użu tal-vetturi mikrija fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura. Abbażi ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tivvaluta huwiex meħtieġ li jiġu proposti miżuri addizzjonali.

 

Sa mhux aktar tard minn [tliet snin wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva emendatorja] , il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-effetti ta' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-użu tal-vetturi mikrija fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura. Ir-rapport għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-impatt fuq is-sikurezza fit-toroq u fuq id-dħul mit-taxxa, inklużi d-distorsjonijiet fiskali, u fuq l-infurzar tar-regoli tal-kabotaġġ f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1072/2009. Abbażi ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tivvaluta huwiex meħtieġ li jiġu proposti miżuri addizzjonali.

Emenda 14

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

 

Emenda

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikun hemm konformità ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [insert the date calculated 18 months following the entry into force] . Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet minnufih.

 

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikun hemm konformità ma' din id-Direttiva sa … [20 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva] . Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet minnufih.


(1)  Il-każ ġie mgħoddi lura għal negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 59(4), ir-raba’ subparagrafu (A8-0193/2018).

(*1)   B'riferiment għall-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 b'kont meħud tal-estensjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi rreġistrata kif propost mill-Kummissjoni.

(*2)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1.


27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/172


P8_TA(2018)0265

Oġġezzjoni għal att delegat: Miżuri ta' konservazzjoni fis-sajd għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu fil-Baħar tat-Tramuntana

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar ir-regolament delegat tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2018 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/118 li jistabbilixxi l-miżuri ta' konservazzjoni fis-sajd għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu fil-Baħar tat-Tramuntana (C(2018)01194 – 2018/2614(DEA))

(2020/C 28/27)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2018)01194),

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(2) u 46(5) tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/118 tal-5 ta' Settembru 2016 li jistabbilixxi l-miżuri ta' konservazzjoni fis-sajd għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu fil-Baħar tat-Tramuntana (2),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għas-Sajd,

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jilħqu status ambjentali tajjeb għall-ilmijiet marini sal-2020 bi qbil mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (3), filwaqt li l-Artikolu 2(5)(j) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jirrikjedi li l-politika komuni tas-sajd tikkontribwixxi għal dan il-għan;

B.

billi l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) esprima, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-parir xjentifiku rilevanti tiegħu (4), għadd ta' punti ta' tħassib rigward l-effettività tal-miżuri proposti għall-ispeċijiet u l-ħabitats protetti u għall-integrità ta' qiegħ il-baħar; billi dak it-tħassib ma ġiex kompletament rifless fil-premessi tar-regolament delegat li qed jiġi rivedut;

C.

billi l-STECF innota wkoll, fil-parir xjentifiku tiegħu, li ċ-ċifri relatati mal-attività tas-sajd inkwistjoni, li fuqhom huma bbażati l-miżuri proposti, huma mis-snin 2010-2012 u għalhekk jafu jkunu skaduti;

D.

billi l-għadd mhux ikkwantifikat ta' bastimenti li jistgħu jiġu koperti mill-eżenzjonijiet parzjalment temporanji taħt l-Artikoli 3b, 3c u 3e tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/118, kif emendat mir-regolament delegat taħt rieżami, jaf ikollu impatt fuq l-effettività tal-miżuri proposti;

E.

billi d-definizzjoni ta' "rkapti tas-sajd alternattivi li jagħmlu impatt fuq qiegħ il-baħar"stipulata fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/118, kif emendat mir-regolament delegat taħt reviżjoni, teħtieġ li tiġi speċifikata ulterjorment; billi jekk din tkopri s-sajd bl-impulsi elettriċi, definizzjoni bħal din tkun f'kontradizzjoni mal-mandat għal negozjati adottati mill-Parlament fis-16 ta' Jannar 2018 (5) fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta' ekosistemi tal-baħar permezz ta' miżuri tekniċi (6);

F.

billi l-impatt tal-"irkaptu tas-sajd alternattiv li jagħmel impatt fuq qiegħ il-baħar"propost xorta jista' jkun ogħla b'mod sinifikanti minn dak ta' rkaptu ieħor, parzjalment ipprojbit (tartaruni Daniżi u Skoċċiżi);

G.

billi l-klawsola ta' rieżami u rappurtar tal-att delegat propost ma tapplikax għaż-żoni li għadhom kif ġew proposti u għall-ġestjoni tagħhom, b'tali mod li impossibbli li ssir evalwazzjoni trasparenti tal-effikaċja tal-miżuri, speċjalment fuq irkaptu alternattiv li jagħmel impatt fuq qiegħ il-baħar u li ġie ttestjat dan l-aħħar;

1.

Joġġezzjona għar-regolament delegat tal-Kummissjoni;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u jinnotifikaha li r-regolament delegat ma jistax jidħol fis-seħħ;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta att delegat ġdid li jikkunsidra t-tħassib imsemmi hawn fuq;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  ĠU L 19, 25.1.2017, p. 10.

(3)  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

(4)  Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) (2017), l-54 Rapport tal-Laqgħa Plenarja (PLEN-17-01).

(5)  Testi adottati, P8_TA(2018)0003.

(6)  Il-proċedura leġiżlattiva 2016/0074(COD).