ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 398A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 62
25 ta' Novembru 2019


Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

2019/C 398 A/01

Proavviż ta’ post battal  — VEXT/19/72/AD 14/BOA — President BOA

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

25.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 398/1


PROAVVIŻ TA’ POST BATTAL

VEXT/19/72/AD 14/BOA — President BOA

(2019/C 398 A/01)

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), “l-Uffiċċju”, qiegħed ifittex kandidati biex jimlew il-kariga ta’ President tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju.

Titolu tal-impjieg

President tal-Bordijiet tal-Appell (M/F)

Grupp ta’ funzjonijiet/grad

AD 14

Tip ta’ kuntratt

Aġent Temporanju

Referenza

VEXT/19/72/AD 14/BOA — President BOA

Data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet

It-8 ta’ Jannar 2020, f’nofsilejl ħin ta’ Alicante

Post tal-impjieg

Alicante, SPANJA

Data prevista għal meta tibda l-kariga

Sa mill-1 ta’ Diċembru 2020

1.   SFOND

Sfond storiku u legali

L-Uffiċċju ġie stabbilit permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (1) (issa r-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni Ewropea (“UE”) biex toffri protezzjoni għad-drittijiet tal-IP lin-negozju u lill-innovaturi fl-UE kollha u lil hinn minnha. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 (3) ħoloq id-disinn Komunitarju rreġistrat li huwa ġestit ukoll mill-Uffiċċju, u aktar tard, ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) inkariga lill-Uffiċċju bl-Osservatorju Ewropew dwar il-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali.

Mit-twaqqif tiegħu fl-1994 l-Uffiċċju huwa bbażat f’Alicante, Spanja, fejn jiġġestixxi r-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE u d-disinn Komunitarju rreġistrat, li huma validi fl-UE kollha. Ix-xogħol fil-livell tal-UE jestendi wkoll għall-konverġenza tal-għodda u l-prattiki f’kooperazzjoni mas-sħab f’uffiċċji tal-IP nazzjonali u reġjonali fl-UE-28 kollha, l-utenti u sħab istituzzjonali oħrajn. Flimkien, dawn l-uffiċċji jikkostitwixxu n-Network tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPN), u jaħdmu flimkien biex joffru lill-utenti esperjenza ta’ reġistrazzjoni konsistenti, kemm f’livell nazzjonali kif ukoll f’livell tal-UE.

Il-lingwi tal-Uffiċċju huma l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, it-Taljan u l-Ispanjol.

Governanza, ġestjoni u struttura tal-EUIPO

L-istruttura tal-governanza tal-EUIPO tikkonsisti mill-Bord tat-Tmexxija u l-Kumitat tal-Baġit, li kull wieħed minnhom huwa magħmul minn rappreżentant minn kull Stat Membru, żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea u rappreżentant mill-Parlament Ewropew. L- EUIPO jgawdi awtonomija legali, amministrattiva u finanzjarja.

Il-Kunsill jiddeċiedi dwar il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv, id-Deputat(i) Direttur(i) Eżekuttiv(i), u l-President u l-Persuni li Jippresiedu l-Bordijiet tal-Appell mil-lista tal-kandidati proposti mill-Bord tat- Tmexxija. Il-Bord tat-Tmexxija huwa responsabbli mill-għażla u l-ħatra tal-Membri tal-Bordijiet tal-Appell. Id-Direttur Eżekuttiv huwa r-rappreżentant legali tal-Uffiċċju u huwa responsabbli mill-ġestjoni tiegħu, peress li jagħti rendikont lill-Bord tat-Tmexxija u l-Kumitat tal-Baġit. Id-Direttur Eżekuttiv huwa megħjun minn Deputat Direttur Eżekuttiv wieħed jew aktar.

Il-baġit tal-Uffiċċju għall-2019 huwa madwar EUR 436 miljun u n-numru tal-karigi fil-pjan ta’ stabbiliment huwa 890.

L-EUIPO huwa organizzat f’diversi dipartimenti funzjonali, b’kull wieħed minnhom jirrapporta għand id-Direttur Eżekuttiv.

Għalkemm huma integrati fis-sistemi amministrattivi u maniġerjali tal-Uffiċċju, il-Bordijiet tal-Appell ġew stabbiliti skont l-EUTMR bħala unità separata fi ħdan l-Uffiċċju sabiex jipprovdu rieżami indipendenti tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju, u b’hekk aktar appelli jkunu possibbli fil-Qrati tal-UE fil-Lussemburgu.

Il-Bordijiet tal-Appell bħalissa jikkonsistu minn President wieħed, erba’ persuni li jippresiedu u ħmistax-il Membru megħjunin minn persunal ġuridiku u amministrattiv. Madwar 100 membru tal-persunal jaħdmu fil-Bordijiet tal-Appell, inkluż ir-Reġistru, is-Servizzi ta’ Appoġġ, tal-Għarfien u tal-Informazzjoni u s-Servizz ta’ Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim.

Fl-2018, ġew ippreżentati 2 589 appell u nħarġu 2 602 deċiżjonijiet. Il-President tal-Bordijiet tal-Appell jippresjiedi l-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell, li hu responsabbli biex jistabbilixxi r-regoli u jorganizza x-xogħol tal-Bordijiet, jimplimenta d-deċiżjonijiet tiegħu u jalloka l-każijiet lill-Bord. Kull Bord tal-Appell jiġi presedut minn President. Il-President tal-Bordijiet tal-Appell jippresjedi wkoll il-Bord Suprem.

Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit web li ġej:

https://euipo.europa.eu/ohimportal/mt/home

2.   DMIRIJIET

Skont l-Artikoli 166(4) u 167 EUTMR, il-President tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO jeżerċita l-funzjonijiet maniġerjali u organizzattivi b’rabta mal-Bordijiet tal-Appell. Hu/hi responsabbli għall-prestazzjoni ġenerali tal-Bordijiet tal-Appell.

L-objettivi mwettqa mill-President tal-Bordijiet tal-Appell jinkludu:

Jippresiedi l-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell (il-Presidju), li hu responsabbli għall-istabbiliment tar-regoli u l-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Bordijiet;

Jiżgura l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Presidju;

Jalloka l-każijiet lill-Bordijiet abbażi ta’ kriterji oġġettivi determinati mill-Presidju;

Jippresiedi l-Bord Suprem, li hu responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar każijiet ta’ diffikultà jew importanza legali speċifika u għall-għoti ta’ opinjonijiet motivati dwar kwistjonijiet tal-liġi riferuti lilu mid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju skont l-Artikolu 157(4)(l) EUTMR;

Jibgħat ir-rekwiżiti tal-infiq tal-Bordijiet lid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju, bil-għan li jitfasslu l-estimi tal-infiq tal-Uffiċċju;

Il-President tal-Bordijiet tal-Appell u l-Persuni li Jippresiedu, kif ukoll il-Membri tal-Bordijiet tal-Appell għandhom ikunu indipendenti. Fid-deċiżjonijiet tagħhom, dawn ma għandhomx ikunu marbuta minn kwalunkwe struzzjonijiet.

3.   KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ

Sabiex ikunu ammissibbli għal din il-proċedura tal-għażla, il-kandidati għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin sa mhux aktar tard mid-data tal-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet:

Kundizzjonijiet ġenerali (5)

Ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u jgawdu d-drittijiet sħaħ bħala ċittadini;

Ikunu ssodisfaw kwalunkwe obbligu impost mil-liġijiet li jikkonċernaw is-servizz militari;

Jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-karattru (6) fir-rigward tal-adegwatezza għat-twettiq tad-dmirijiet involuti;

Ikunu fiżikament b’saħħithom sabiex iwettqu d-dmirijiet;

Ikunu jistgħu jtemmu mandat sħiħ ta’ 5 snin mid-data mistennija għall-bidu tal-qadi tad- dmirijiet, qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar li hija fl-aħħar tax-xahar li fih il-kandidat jagħlaq 66 sena (7). Id-data għall-bidu tal-qadi tad-dmirijiet mistennija tkun l-1 ta’ Diċembru 2020.

Edukazzjoni

Ikollhom livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma attestati b’diploma, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun erba’ snin jew iktar;

JEW

Ikollhom livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma attestati b’diploma u esperjenza professjonali ta’ mill-inqas sena meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ mill-inqas tliet snin;

Esperjenza professjonali (8)

Ikollhom sad-data tal-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet minimu ta’ 15-il sena esperjenza professjonali (16-il sena kemm-il darba jkollhom lawrja ta’ tliet snin), miksuba wara d-data tal-lawrja rilevanti.

Minn dawn il-15-il sena esperjenza professjonali, minn tal-inqas 10 snin għandhom ikunu nkisbu fil-qasam tat-trademarks u/jew id-disinni.

Barra minn hekk, minn tal-inqas 5 snin mill-15-il sena esperjenza professjonali għandhom ikunu nkisbu f’kariga ta’ responsabbiltajiet maniġerjali sinifikanti. (9)

Il-perjodi ta’ esperjenza professjonali fil-qasam tat-trademarks u/jew id-disinni u ta’ esperjenza professjonali miksuba fil-kariga b’responsabbiltajiet maniġerjali sinifikanti jistgħu jikkoinċidu.

Ħiliet lingwistiċi

Ikollhom għarfien profond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (livell minimu C1) – Lingwa 1

Ikollhom għarfien sodisfaċenti ta’ waħda mil-lingwi tal-Uffiċċju (livell minimu B2) sal-limitu meħtieġ għat-twettiq tad-dmirijiet - Lingwa 2 (10)

Il-ħames lingwi tal-Uffiċċju huma l-Ingliż (EN), il-Franċiż (FR), il-Ġermaniż (DE), it-Taljan (IT) u l-Ispanjol (ES). Il-livelli jikkorrispondu għall-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi.

4.   KRITERJI TAL-GĦAŻLA/VANTAĠĠI

Sabiex jintgħażlu l-kandidati l-aktar ikkwalifikati għall-intervista, ser jintużaw il-kriterji li ġejjin:

(a)

Esperjenza ta’ tmexxija u ġestjoni, u b’mod partikolari:

Ikollhom stabbilit prova ta’ rekord bħala maniġer superjuri f’organizzazzjoni waħda jew aktar komparabbli fid-daqs, fil-karatteristiċi u/jew fil-kumplessità ma’ dik tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju;

Li jkunu eżerċitaw responsabbiltajiet ta’ ġestjoni sinifikanti f’livell għoli, inkluż l-estimi tal-ammont tax-xogħol u r-riżorsi;

Li jkunu wrew esperjenza fit-trattament jew fil-ġestjoni ta’ kwistjonijiet istituzzjonali;

Li jkunu wrew fehim tajjeb tal-ambjent tas-servizz pubbliku li fih jopera l-Uffiċċju;

(b)

Għarfien tekniku u/jew esperjenza teknika, u b’mod partikolari:

Fil-qasam tat-trademarks u d-disinni;

Tal-ambjent u l-leġiżlazzjoni Ewropea tal-IP;

Tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u kif joperaw u jinteraġġixxu;

Tal-organizzazzjonijiet li jwasslu s-servizzi lis-settur pubbliku jew lis-settur tan-negozju;

Li jkunu wrew il-kompetenzi assoċjati ma’ komunikazzjoni esterna teknika ta’ livell għoli b’mod partikolari fil-qasam tal-IP, eż. l-indirizzar ta’ konferenzi, taħriġ u seminars;

(c)

Esperjenza oħra u għarfien ieħor: b’mod partikolari

Ambjent tax-xogħol: Urew il-kapaċità li jaħdmu f’ambjent multikulturali u/jew internazzjonali

(d)

Lingwi:

Esperjenza professjonali ta’ ħidma f’lingwa li mhijiex il-lingwa materna tal-kandidat;

Għarfien profond ta’ kwalunkwe lingwa oħra tal-Uffiċċju (EN, FR, DE, IT, ES) (livell minimu C1) barra l-lingwi msemmija taħt punt 3 - Lingwa 3 u oħrajn

(e)

Edukazzjoni:

Kwalifika legali (lawrja fil-liġi mill-università jew lawrja postgradwatorja, bħal-LLM jew ekwivalenti).

Barra l-kriterji ta’ hawn fuq, il-kandidati mistiedna għall-intervista ser jiġu vvalutati wkoll għar-rekwiżiti li ġejjin:

(f)

Kompetenzi, b’mod partikolari:

Komunikazzjoni: Jikkomunikaw b’mod ċar u preċiż kemm oralment kif ukoll bil-miktub, u jilħqu kunsens biex jiksbu r-riżultati;

Analiżi u soluzzjoni tal-problemi: Jidentifikaw il-fatti kritiċi fi kwistjonijiet kumplessi u jiżviluppaw soluzzjonijiet kreattivi u prattiċi;

Ħidma mal-Oħrajn: Jaħdmu b’mod kooperattiv mal-oħrajn f’timijiet u tul konfini organizzattivi u jirrispettaw id-differenzi bejn in-nies; joħolqu sens ta’ spirtu ta’ tim billi jinkoraġġixxu objettivi kondiviżi u jiskambjaw l-għarfien u l-esperjenza;

Tagħlim u żvilupp: Jiżviluppaw u jtejbu l-ħiliet personali u l-għarfien tal-organizzazzjoni u l-ambjent tagħha, jikkommettu ruħhom li jħarrġu lil oħrajn, jikkondividu l-għarfien, u jtejbu l-metodi ta’ ħidma b’mod sistematiku;

Prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni Il-kapaċità li jipprijoritizzaw il-kompiti l-aktar importanti, jaħdmu b’mod flessibbli u jorganizzaw l-ammont ta’ xogħol tagħhom u tal-oħrajn b’mod effiċjenti;

Kwalità u riżultati: Jieħdu responsabbiltà personali u inizjattiva biex iwasslu x-xogħol bi kwalità ta’ standard għoli fi ħdan proċeduri stabbiliti; juru orjentazzjoni ċara lejn il-konsumatur (interna u esterna); jibnu proċessi sistematiċi u metodiċi fil-proġetti u l-ħidma tagħhom u tat-tim tagħhom;

Reżiljenza: Jibqgħu effettivi taħt pressjoni tax-xogħol, ikunu flessibbli u jadattaw għal ambjent tax-xogħol li dejjem jinbidel; jinkoraġġixxu lill-oħrajn biex jagħmlu l-istess u jaġġustaw l-approċċ personali tagħhom u tat-tim biex iħaddnu ċirkustanzi li dejjem jinbidlu;

Tmexxija: Imexxu u jiġġestixxu n-nies u t-timijiet biex jiksbu r-riżultati.

5.   PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

Ġenerali

Il-proċedura tal-għażla ser titwettaq skont il-kontroll tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Uffiċċju.

Xogħol preliminari

Sottokumitat Preparatorju maħtur mill-Bord ta’ Tmexxija ser iwettaq evalwazzjoni preliminari tal-applikazzjonijiet u ser jagħmel intervisti ta’ skrinjar minn qabel lill-kandidati l-aktar ikkwalifikati.

Il-kandidati ammissibbli li l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu fost l-aktar ikkwalifikati b’konformità mal-kriterji tal-għażla dettaljati fil-punt 4, jistgħu jiġu kkuntattjati biex jivverifikaw il-ħiliet lingwistiċi tagħhom, kif ukoll biex jagħtu evidenza tal-esperjenza professjonali tagħhom u/jew ta’ ħiliet, għarfien u kompetenzi oħra. Il-kandidati li jiġu kkuntattjati matul il-fażi ta’ qabel l-għażla mhux neċessarjament ser ikunu intitolati li jiġu mistiedna għal intervista; tali kuntatt jista’ jintuża bħala wieħed mill-passi fl-għażla tal-kandidati l-aktar adegwati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista ta’ skrinjar minn qabel.

Is-Sottokumitat Preparatorju ser jinforma lill-kandidati dwar l-istatus tal-proċedura skont il-mandat mogħti mill-Bord ta’ Tmexxija.

Intervisti ta’ skrinjar minn qabel

L-intervisti ta’ skrinjar minn qabel ser isiru f’Alicante. Il-kandidati mistiedna għall-intervista ser jiġu infurmati minn qabel sew dwar id-data u l-ħin eżatt. L-intervista ser issir f’waħda mil-lingwi tal-Uffiċċju (EN, FR, DE, IT, ES) minbarra l-lingwa materna tal-kandidat kif indikat fil-formola tal-applikazzjoni.

L-intervista se sservi biex tikkonferma jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżiti għall-kariga jew le kif deskritt fl-avviż ta’ post battal preżenti bil-għan li jiddetermina l-adegwatezza tagħhom biex jissejħu għal seduta ta’ smigħ mal-Bord tat-Tmexxija.

Wara l-intervisti ta’ skrinjar minn qabel, is-Sottokumitat Preparatorju ser ifassal rapport dwar ix-xogħol preparatorju għall-Bord tat-Tmexxija, li ser jinkludi abbozz ta’ lista ta’ minimu tat-tliet kandidati l-aktar ikkwalifikati, fejn ikun possibbli, li għandhom jiġu mistiedna għal seduta ta’ smigħ quddiem il-Bord tat-Tmexxija.

Seduta ta’ smigħ quddiem il-Bord tat-Tmexxija

Is-seduta ta’ smigħ tal-kandidati l-aktar ikkwalifikati ser ssir f’Alicante. Il-kandidati mistiedna għas-seduta ta’ smigħ ser jiġu infurmati minn qabel sew dwar id-data u l-ħin eżatt. Is-seduta ta’ smigħ ser issir f’waħda mil-lingwi tal-Uffiċċju (EN, FR, DE, IT, ES) minbarra l-lingwa materna tal-kandidat kif indikat fil-formola tal-applikazzjoni.

Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija ser jkunu qed jistaqsu lill-kandidati mistoqsijiet li jkopru l-għarfien tal-kandidati u l-esperjenza tagħhom fi kwistjonijiet relatati mad-dmirijiet li għandhom jitwettqu u kriterji oħra fl-avviż ta’ post battal preżenti.

Lista tal-kandidati u l-ħatra

Wara s-seduta tas-smigħ tal-kandidati, il-Bord tat-Tmexxija ser jiddeċiedi dwar liema kandidati għandhom jitqiegħdu fuq lista magħmula minn massimu ta’ tliet kandidati li għandha tiġi proposta lill-Kunsill, skont l-Artikolu 166 EUTMR.

Qabel ma jinħatru mill-Kunsill, il-kandidati proposti mill-Bord ta’ Tmexxija jistgħu jkunu mistiedna jagħmlu dikjarazzjoni quddiem kwalunkwe kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġbu mistoqsijiet li jsirulhom mill-membri tiegħu.

6.   IL-KONDIZZJONIJIET TAL-IMPJIEG

Il-kandidat li jintgħażel ser jiġi maħtur mill-Kunsill minn lista ta’ kandidati proposti mill-Bord tat-Tmexxija tal-Uffiċċju. Il-mandat ser jkun għal ħames snin. F’dan ir-rigward, jekk jogħġbok kun af li l-kandidat għandu jkun jista’ jtemm l-ewwel mandat sħiħ ta’ 5 snin qabel jilħaq l-età tal-irtirar, jiġifieri: it-tmiem tax-xahar li fih hu jagħlaq 66 sena (11), mid-data li jkun ġie propost lilu u jaqbel li jidħol fis-servizz.

Il-kandidat li jintgħażel ser jiġi offrut kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS), fil-kategorija AD, grad 14. Fl-estensjoni tal-mandat mill-Kunsill, il-President tal-Bordijiet tal-Appell jista’ jingħata l-kariga li tkun ta’ grad 15 mill-Bord tat-Tmexxija tal-Uffiċċju.

Is-salarju bażiku fix-xahar attwali li jikkorrispondi għall-ewwel livell ta’ dan il-grad huwa EUR 14 546,36. Hemm elementi addizzjonali tas-salarju li jirriflettu l-istat ċivili u tfal dipendenti. Barra minn hekk, jingħataw diversi konċessjonijiet għat-traslok u għall-ivvjaġġar, kif ukoll għall-assigurazzjoni tas-saħħa u tal-aċċidenti u skema tal-pensjoni. Il-paga hija soġġetta għal taxxa tal-UE u kwalunkwe tnaqqis ieħor stipulat fis-CEOS. Hija madanakollu eżentata minn kwalunkwe taxxa nazzjonali. It-tfal dipendenti jistgħu jattendu l-Iskola Ewropea f’Alicante bla ħlas.

Skont l-Artikolu 166(2) EUTMR, il-mandat tal-President tal-Bordijiet tal-Appell jista’ jiġi estiż darba għal perijodu addizzjonali wieħed ta’ ħames snin, jew sal-età tal-irtirar jekk din l-età tintlaħaq matul il-mandat il-ġdid, wara li tkun saret evalwazzjoni pożittiva preċedenti tal-prestazzjoni tiegħu/tagħha mill-Bord tat-Tmexxija. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jagħmel tali valutazzjoni, qabel ma jikkunsidra li jippreżenta proposta ta’ estensjoni lill-Kunsill.

L-impjieg għandu jintemm jew fit-tmiem tal-mandat jew fuq talba tal-President tal-Bordijiet tal-Appell maħtur, b’avviż ta’ tliet xhur.

Indipendenza u dikjarazzjoni ta’ interessi

Skont l-Artikolu 166 EUTMR, il-President tal-Bordijiet tal-Appell għandu jkun indipendenti. Fid-deċiżjonijiet tiegħu/tagħha, hu/hi ma għandux/għandhiex ikun/tkun marbut/a minn kwalunkwe struzzjonijiet. Il-President tal-Bordijiet tal-Appell ma jistax jitneħħa mill-kariga matul il-mandat tiegħu/tagħha, sakemm ma’ jkunx hemm raġunijiet serji għat-tneħħija u l-Qorti tal-Ġustizzja, fuq applikazzjoni mill-istituzzjoni li ħatritu/ħatritha, tieħu deċiżjoni għal dan il-għan, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 166(1) EUTMR.

Għaldaqstant il-President tal-Bordijiet tal-Appell maħtur ser ikun mitlub jagħmel dikjarazzjoni ta’ impenn li ser jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u jagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tal-interessi li jistgħu jitqiesu li jippreġudikaw l-indipendenza tiegħu/tagħha. L-applikanti għandhom jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu dan fl-applikazzjoni tagħhom.

Minħabba n-natura partikolari tal-funzjonijiet, l-applikanti mistiedna għall-intervisti ser jiġu mitluba jiffirmaw dikjarazzjoni relatata mal-interessi attwali jew futuri tagħhom li jistgħu jiġu kkunsidrati li jippreġudikaw l-indipendenza tagħhom.

7.   KIF TAPPLIKA

Il-kandidati jridu jużaw l-formola ta’ applikazzjoni disponibbli fuq is-sit web tal-Uffiċċju:

https://euipo.europa.eu/ohimportal/en/vacancies

L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati preferibbilment permezz ta’ email, fuq l-indirizz tal-email li ġej:

MBBCSecretariat@euipo.europa.eu.

Applikazzjonijiet mibgħuta bil-kurrier għandhom ikunu indirizzati lil:

Chairperson of the Management Board

EUIPO – European Union Intellectual Property Office

Avenida de Europa, 4

E - 03008 Alicante

SPAIN

L-applikazzjonijiet għandhom jaslu qabel nofsillejl tat-8 ta’ Jannar 2020.

Jekk jogħġbok ara, b’mod partikolari, li timla t-taqsimiet kollha tal-formola. Formola ta’ applikazzjoni li ma tkunux mimlija (pereżempju, formola li jkun fiha rimarki bħal “ara s-CV jew ittra ta’ motivazzjoni mehmuża”) mhumiex ser jiġu kkunsidrati.

Il-kandidati li jiġu mistiedna għal intervista (ara l-punt 5 “Proċedura tal-Għażla”) sejrin jintalbu wkoll jippreżentaw, qabel l-intervista, id-dokumenti ta’ sostenn rilevanti fir-rigward tar-rekwiżiti bażiċi elenkati, u kwalifiki oħrajn u esperjenza ddikjarati fl-applikazzjoni tagħhom:

Kopja ta’ dokument ta’ identità (bħal passaport jew karta tal-identità);

Kopji tad-diplomi;

Kopji taċ-ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali msemmija f’punt 3.

Dokumenti oħrajn, b’mod partikolari, il-curriculum vitae, mhumiex ser jiġu kkunsidrati. Għandek tkun taf li kwalunkwe kwalifika jew esperjenza professjonali li ma tistax tiġi sostnuta b’evidenza dokumentata, bħal kopji ta’ diplomi jew ċertifikati ta’ impjieg, mhux ser tiġi kkunsidrata u dan jista’ jirriżulta fir-rifjut tal-applikazzjoni.

8.   OPPORTUNITAJIET INDAQS

L-Uffiċċju japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta applikazzjonijiet mingħajr distinzjoni fuq bażi ta’ sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew ta’ xorta oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.

9.   PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI

Bħala l-korp responsabbli mill-organizzazzjoni tal-proċedura tal-għażla, l-Uffiċċju ser jiżgura li d-data personali tal-applikanti tkun ipproċessata kif mitlub mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta’ tali data.

10.   APPELL

Jekk kandidat iqis li ntlaqat b’mod negattiv minn deċiżjoni partikolari, jista’ jressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“Regolamenti tal-Persunal”), f’dan l-indirizz li ġej:

EUIPO – European Union Intellectual Property Office

Human Resources Department

Avenida de Europa, 4

E- 03008 Alicante

SPAIN

Hu jista’ jippreżenta ukoll appell ġudizzjarju skont l-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal lil:

General Court

Rue du Fort Niedergrünewald

L – 2925 Lussemburgu

LUXEMBOURG

Għal dettalji dwar kif tressaq appell, jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit web tal-Qorti Ġenerali: https://curia.europa.eu/jcms/jcms/Jo2_7033/mt/

11.   AKTAR INFORMAZZJONI

Tista’ tikseb aktar informazzjoni mingħand:

Ms. Susana PÉREZ FERRERAS

Director of the Human Resources Department

EUIPO – European Union Intellectual Property Office

Office AA1-P5-A180

Avenida de Europa 4

E-03008 Alicante

SPAIN

email: Susana.PEREZ@euipo.europa.eu

L-applikanti huma mfakkra li x-xogħol tal-kumitati tal-għażla huwa kunfidenzjali. L-applikanti ma jistgħux jagħmlu kuntatt dirett jew indirett ma’ membri ta’ dawn il-kumitati u dan lanqas ma jista’ jsir f’isimhom minn xi ħaddieħor.

NOTI:

Kwalunkwe referenza f’dan l-avviż għal-persuna tas-sess maskili għandha titqies li tikkostitwixxi wkoll referenza għas-sess femminili.

F’każ li jkun hemm diskrepanzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, għandha tipprevali dik bil-lingwa Ingliża.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 14.1.1994, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (“EUTMR”) (ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ April 2012 li permezz tiegħu l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) jiġi fdat b’ċerti kompiti relatati mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż it-tlaqqigħ ta’ rappreżentanti mis-settur pubbliku u privat bħala Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (ĠU L 129, 16.5.2012, p. 1).

(5)  Jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 12 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS)

(6)  B’mod partikolari, il-kandidat ma għandux ikollu kundanni jew ikun instab ħati ta’ reat kriminali.

(7)  B’konformità mal-Artikolu 47(a) tas-CEOS

(8)  L-esperjenza professjonali tingħadd mid-data tal-kisba tad-diploma rilevanti li tagħti aċċess għall-grupp ta’ funzjoni

(9)  L-applikanti għandhom jiddeskrivu l-esperjenzi maniġerjali kollha tagħhom li kisbu billi jindikaw fuq il-formola tal-applikazzjoni 1) It-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kellhom; 2) in-numru ta’ persunal li kellhom taħthom f’dawn il-pożizzjonijiet; 3) id-daqs tal-baġit ġestit, jekk relevanti; 4) in-numru ta’ saffi ta’ ġerarkija fuqhom u taħthom, kif ukoll in-numru ta’ pari fl-organizzazzjoni.

(10)  Jeħtieġ li l-lingwa 1 u l-lingwa 2 ikunu differenti.

(11)  B’konformità mal-Artikolu 47(a) tas-CEOS.

(12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).