ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 348

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 62
14 ta' Ottubru 2019


Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

2019/C 348/01

L-aħħar pubblikazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

1


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI TAL-QORTI

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja

2019/C 348/02

Kawża C-449/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Ġermanja) fit-13 ta’ Ġunju 2019 – WEG Tevesstraße vs Finanzamt Villingen-Schwenningen

2

2019/C 348/03

Kawża C-465/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Straubing (il-Ġermanja) fid-19 ta’ Ġunju 2019 – B & L Elektrogeräte GmbH vs GC

2

2019/C 348/04

Kawża C-471/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-Belġju) fl-20 ta’ Ġunju 2019 – Middlegate Europe NV vs Ministerraad

3

2019/C 348/05

Kawża C-491/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (l-Ungerija) fis-26 ta’ Ġunju 2019 – Emberi Erőforrások Minisztériuma vs Szent Borbála Kórház

4

2019/C 348/06

Kawża C-507/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Lulju 2019 – Bundesrepublik Deutschland vs XT

4

2019/C 348/07

Kawża C-529/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Potsdam (il-Ġermanja) fil-11 ta’ Lulju 2019 – Möbel Kraft GmbH & Co. KG vs ML

6

2019/C 348/08

Kawża C-540/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Lulju 2019 – WV vs Landkreis Harburg

6

2019/C 348/09

Kawża C-546/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Lulju 2019 – BZ vs Westerwaldkreis

7

2019/C 348/10

Kawża C-559/19: Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

8

2019/C 348/11

Kawża C-596/19 P: Appell ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fis-27 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-20/17, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni Ewropea

10

2019/C 348/12

Kawża C-603/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Špecializovaný trestný súd (is-Slovakkja) fid-9 ta’ Awwissu 2019 – Úrad špeciálnej prokuratúry Generálnej prokuratúry Slovenskej republiky vs TG, UF

11

2019/C 348/13

Kawża C-609/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal d’instance de Lagny-sur-Marne (Franza) fit-13 ta’ Awwissu 2019 – BNP Paribas Personal Finance SA vs VE

12

2019/C 348/14

Kawża C-623/19 P: Appell ippreżentat fil-21 ta’ Awwissu 2019 minn Alfamicro - Sistemas de computadores, Sociedade Unipessoal, Lda. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-28 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-64/18, Alfamicro vs Il-Kummissjoni

13

2019/C 348/15

Kawża C-638/19 P: Appell ippreżentat fis-27 ta’ Awwissu 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla Estiża) fit-18 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-624/15, European Food et vs Il-Kummissjoni

14

 

Il-Qorti Ġenerali

2019/C 348/16

Kawża T-499/19: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2019 – ZU v SEAE

16

2019/C 348/17

Kawża T-566/19: Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Awwissu 2019 – Scandlines Danmark and Scandlines Deutschland vs Il-Kummissjoni

17

2019/C 348/18

Kawża T-582/19: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Awissu 2019 –Victoria’s Secret Stores Brand Management vs EUIPO – Lacoste (LOVE PINK)

17

2019/C 348/19

Kawża T-583/19: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Awwissu 2019 – Electrolux Home Products vs EUIPO – D. Consult (FRIGIDAIRE)

18


MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/1


L-aħħar pubblikazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

(2019/C 348/01)

L-aħħar pubblikazzjoni

ĠU C 337, 7.10.2019

Pubblikazzjonijiet preċedenti

ĠU C 328, 30.9.2019

ĠU C 319, 23.9.2019

ĠU C 312, 16.9.2019

ĠU C 305, 9.9.2019

ĠU C 295, 2.9.2019

ĠU C 288, 26.8.2019

Dawn it-testi huma disponibbli fuq:

EUR-Lex: http://eur-lex.europa.eu


V Avviżi

PROĊEDURI TAL-QORTI

Il-Qorti tal-Ġustizzja

14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/2


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Ġermanja) fit-13 ta’ Ġunju 2019 – WEG Tevesstraße vs Finanzamt Villingen-Schwenningen

(Kawża C-449/19)

(2019/C 348/02)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Baden-Württemberg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: WEG Tevesstraße

Konvenut: Finanzamt Villingen-Schwenningen

Domanda preliminari

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha l-kunsinna ta’ sħana minn assoċjazzjonijiet ta’ proprjetarji ta’ kondominji lill-proprjetajri tal-appartamenti hija eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/2


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Straubing (il-Ġermanja) fid-19 ta’ Ġunju 2019 – B & L Elektrogeräte GmbH vs GC

(Kawża C-465/19)

(2019/C 348/03)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Straubing

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: B & L Elektrogeräte GmbH

Konvenut: GC

Domanda preliminari

Hemm kuntratt konkluż barra l-post tan-negozju fis-sens tal-punt (8)(c) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE (1) bil-konsegwenza ta’ dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva meta kummerċjant f’fiera, li jkun fi jew quddiem l-istand tal-bejgħ li huwa kkunsidrat bħala post tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 2(9) ta’ din id-direttiva, jindirizza konsumatur li qiegħed wieqaf quddiem l-istand tal-bejgħ f’sala ta’ fiera kummerċjali, mingħajr ma jikkomunika mal-kummerċjant u fejn il-kuntratt imbagħad jiġi konkluż fl-istand tal-bejgħ?


(1)  Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/3


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-Belġju) fl-20 ta’ Ġunju 2019 – Middlegate Europe NV vs Ministerraad

(Kawża C-471/19)

(2019/C 348/04)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Grondwettelijk Hof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Middlegate Europe NV

Konvenut: Ministerraad

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, moqri jew le flimkien mal-Artikolu 56 tal-istess Trattat, mal-Artikoli 15 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq persuni jew fuq impriżi li jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet portwali f’żona portwali Belġjana fis-sens tal-Liġi tat-8 ta’ Ġunju 1972 li torganizza x-xogħol portwali – inklużi attivitajiet li ma humiex relatati mat-tagħbija u mal-ħatt ta’ bastimenti fis-sens strett – l-obbligu li jużaw biss ħaddiema portwali awtorizzati?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-Grondwettelijk Hof tista’ żżomm provviżorjament l-effetti tal-Artikoli 1 u 2, inkwistjoni, tal-Liġi tat-8 ta’ Ġunju 1972 li torganizza x-xogħol portwali, sabiex tiġi evitata inċertezza legali u malesseri soċjali, u sabiex tippermetti li l-leġiżlatur jemendahom b’mod konformi mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni Ewropea?


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/4


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (l-Ungerija) fis-26 ta’ Ġunju 2019 – Emberi Erőforrások Minisztériuma vs Szent Borbála Kórház

(Kawża C-491/19)

(2019/C 348/05)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Kúria

Partijiet fil-kawża prinċipali

Konvenut fl-ewwel istanza u appellant fil-kassazzjoni: Emberi Erőforrások Minisztériuma

Rikorrent fl-ewwel istanza u appellat fil-kassazzjoni: Szent Borbála Kórház

Domandi preliminari

1)

L-awtoritajiet nazzjonali jew organi intermedjarji li huma kompetenti fl-ewwel jew fit-tieni istanza sabiex imexxu proċedura ta’ irregolarità fil-kuntest ta’ ftehim ta’ ssussidjar għandhom direttament taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 (1) li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”) id-dritt li jeżaminaw fil-kuntest tal-proċedura tagħhom – b’mod partikolari fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kontroll previst fl-Artikoli 60, 70 u 98 tal-imsemmi regolament – kwalunkwe ksur li, b’mod definittiv, jippreġudika jew għandu mnejn jippreġudika interess finanzjarju rilevanti għall-baġit tal-Unjoni Ewropea, u għandhom, jekk ikun il-każ, l-obbligu li jipproċedu għal korrezzjoni finanzjarja?

2)

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea hija żgurata b’mod effikaċi biżżejjed permezz ta’ regola proċedurali ta’ Stat Membru jew permezz tal-ġurisprudenza li tinterpreta l-imsemmija regola li, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ ssussidjar, tissuġġetta l-possibbiltà li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim (irregolarità) li jikkonsisti fi ksur tar-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi, kif ukoll il-possibbiltà li ssir talba taħt id-dritt ċivili bbażata fuq dan il-ksur, bil-kundizzjoni li l-ksur inkwistjoni jkun ġie kkonstatat b’mod definittiv mill-kumitat ta’ arbitraġġ tal-kuntratti pubbliċi jew – fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni tal-kumitat ta’ arbitraġġ – minn qorti?

3)

Jekk huwa ksur tar-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi li jikkostitwixxi l-irregolarità, iżda l-ebda proċedura ma nbdiet quddiem il-kumitat ta’ arbitraġġ tal-kuntratti pubbliċi, il-qorti adita bit-talbiet taħt id-dritt ċivili marbuta mal-eżekuzzjoni tal-ftehim ta’ ssussidjar għandha d-dritt li teżamina l-irregolarità li taffettwa l-kuntratt pubbliku fil-kuntest tal-eżami tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni?


(1)  ĠU 2006 L 210, p. 25, rettifiki fil-ĠU 2006 L 239, p. 248, fil-ĠU 2007 L 145, p. 38, fil-ĠU 2007 L 164, p. 36, fil-ĠU 2008 L 301, p. 40.


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/4


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Lulju 2019 – Bundesrepublik Deutschland vs XT

(Kawża C-507/19)

(2019/C 348/06)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bundesrepublik Deutschland

Konvenut: XT

Domandi preliminari

1)

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE (1), ntemmetx il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA lil Palestinjan apolidi, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, minn perspettiva ġeografika, biss iż-żona ta’ operazzjoni kkonċernata (Strixxa ta’ Gaza, il-Ġordan, il-Libanu, is-Sirja, ix-Xatt tal-Punent) li fih apolidi kellu r-residenza effettiva tiegħu (fil-każ ineżami: is-Sirja), jew anki ta’ żoni ta’ operazzjoni oħra li jaqgħu taħt it-territorju tal-mandat ta’ UNRWA?

2)

Jekk, waqt it-tluq, ma tittiħidx inkunsiderazzjoni biss iż-żona ta’ operazzjoni: għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sistematikament u indipendentement minn kundizzjonijiet oħra, iż-żoni kollha ta’ operazzjoni fit-territorju tal-mandat? Fin-negattiv: żoni ta’ operazzjoni oħra għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk l-apolidi kellu konnessjoni (territorjali) sostanzjali ma’ dik iż-żona ta’ operazzjoni? Għal tali konnessjoni, hija neċessarja – waqt it-tluq jew preċedentement – residenza abitwali? Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra meta tiġi eżaminata konnessjoni (territorjali) sostanzjali? Fl-affermattiv: liema ċirkustanzi? Huwa rilevanti jekk huwiex possibbli jew raġonevoli għal apolidi li jidħol fiż-żona ta’ operazzjoni meta jitlaq mit-territorju tal-mandat ta’ UNRWA?

3)

Apolidi li jitlaq mit-territorju tal-mandat tal-UNRWA peress li s-sigurtà personali tiegħu tkun f’riskju serju fit-territorju tal-mandat fejn tinsab ir-residenza effettiva tiegħu, u ma jkunx possibbli li l-UNRWA tipprovdilu protezzjoni jew assistenza hemmhekk, huwa ipso facto intitolat, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE, għall-protezzjoni tad-Direttiva anki jekk preċedentement ikun mar f’dan it-territorju tal-mandat mingħajr ma s-sigurtà personali tiegħu kienet f’riskju serju fit-territorju tal-mandat tar-residenza preċedenti tiegħu u mingħajr ma kellu aspettattiva, skont iċ-ċirkustanzi eżistenti dakinhar, għal protezzjoni jew assistenza mill-UNRWA fit-territorju tal-mandat il-ġdid u lanqas il-possibbiltà li jirritorna, f’qasir żmien, fit-territorju tal-mandat fejn kien jirrisjedi preċedentement?

4)

Għall-finijiet tal-kwistjoni dwar jekk apolidi għandux jingħata ipso facto l-istatus ta’ refuġjat peress li l-kundizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE ma baqgħux issodisfatti ladarba huwa telaq mit-territorju tal-mandat tal-UNRWA, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss it-territorju tal-mandat tal-aħħar residenza abitwali? Fin-negattiv: għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, b’analoġija, żoni oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont it-tieni domanda waqt it-tluq? Fin-negattiv: liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġu ddeterminati ż-żoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-mument li tingħata d-deċiżjoni? Il-fatt li ma jibqgħux jeżistu l-kundizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE jeżiġi li l-awtoritajiet (statali jew kważi-statali) jospitaw l-apolidi (mill-ġdid)?

5)

Fil-każ li, b’konnessjoni mal-eżistenza jew mat-tmiem tal-kundizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE, huwa rilevanti t-territorju tal-mandat ta’ (l-aħħar) residenza abitwali: liema kriterji huma deċiżivi sabiex tiġi stabbilta r-residenza abitwali? Residenza legali awtorizzata mill-pajjiż ta’ residenza hija meħtieġa? Fin-negattiv: l-awtoritajiet kompetenti tat-territorju tal-mandat għandhom, minn tal-inqas, ikunu xjentement aċċettaw ir-residenza tal-apolidi inkwistjoni? Fl-affermattiv: l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikollhom għarfien tal-preżenza konkreta u individwali tal-apolidi inkwistjoni jew huwa biżżejjed li huma xjentement jaċċettaw ir-residenza tal-apolidi bħala membru ta’ grupp ikbar ta’ persuni? Fin-negattiv: hija suffiċjenti residenza effettiva għal perijodu relattivament twil?


(1)  Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Potsdam (il-Ġermanja) fil-11 ta’ Lulju 2019 – Möbel Kraft GmbH & Co. KG vs ML

(Kawża C-529/19)

(2019/C 348/07)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Potsdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Möbel Kraft GmbH & Co. KG

Konvenut: ML

Domandi preliminari

Id-dritt ta’ rtirar taħt l-Artikolu 16(c) tad-Direttiva dwar drittijiet tal-konsumatur (1) huwa eskluż ukoll fejn l-oġġetti jsiru skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur, iżda fejn il-bejjiegħ ikun għadu ma bediex bil-produzzjoni tal-oġġetti u meta l-aġġustamenti għand il-konsumatur ikunu ser isiru mill-bejjiegħ innifsu, mhux permezz ta’ terz? Huwa rilevanti l-punt dwar jekk huwiex possibbli li l-oġġetti jitqieħdu lura fl-istat li fih kienu jinsabu qabel l-individwalizzazzjoni bi spejjeż baxxi għal żarmar, bħal, pereżempju, madwar 5 fil-mija tal-valur tal-oġġetti?


(1)  Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011 L 304, p. 64).


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Lulju 2019 – WV vs Landkreis Harburg

(Kawża C-540/19)

(2019/C 348/08)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: WV

Appellat: Landkreis Harburg

Domanda preliminari

Organu pubbliku li pprovda lil kreditur ta’ manteniment b’benefiċċji ta’ għajnuna soċjali skont dispożizzjonijiet tad-dritt pubbliku jista’ jipprevalixxi ruħu mill-qorti tal-post fejn il-kreditur ta’ manteniment għandu r-residenza abitwali tiegħu skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 (1) fil-każ li jeżiġi, fuq bażi surrogatorja, kontra d-debitur ta’ manteniment, il-kreditu ta’ manteniment ta’ natura ċivili tal-kreditur ta’ manteniment li, minħabba l-għoti tal-għajnuna soċjali, ġie ttrasferit lilu permezz ta’ surroga legali?


(1)  Regolament (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009 L 7, p. 1).


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Lulju 2019 – BZ vs Westerwaldkreis

(Kawża C-546/19)

(2019/C 348/09)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BZ

Konvenut: Westerwaldkreis

Domandi preliminari

1.

a)

Il-projbizzjoni ta’ dħul maħruġa kontra ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet “mhux marbuta mal-migrazzjoni” taqa’ fi kwalunkwe każ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (1), jekk l-Istat Membru ma jkunx għamel użu mill-possibbiltà taħt l-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva?

b)

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (a) tal-ewwel domanda tkun fin-negattiv: tali projbizzjoni ta’ dħul hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 anki jekk, indipendentement mid-digriet ta’ tkeċċija maħruġ fil-konfront tiegħu, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa resident illegali u b’hekk jaqa’, bħala prinċpju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva?

c)

Projbizzjonijiet ta’ dħul maħruġa għal finijiet “mhux marbuta mal-migrazzjoni” jinkludu projbizzjoni ta’ dħul maħruġa inkonessjoni ma’ ordni ta’ tkeċċija għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ordni (fil-każ ineżami: biss għal raġunijiet kawtelatorji ġenerali fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu)?

2.

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fis-sens li l-projbizzjoni ta’ dħul taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115:

a)

L-irtirar amministrattiv ta’ deċiżjoni ta’ ritorn (jiġifieri, f’dan il-każ, l-ordni ta’ tneħħija) jimplika l-illegalità tal-projbizzjoni ta’ dħul (fis-sens tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2008/115), maħruġa fl-istess żmien tad-deċiżjoni?

b)

Ikun hemm din il-konsegwenza legali anki jekk l-ordni ta’ tneħħija amministrattiva li tkun ippreċediet id-deċiżjoni ta’ ritorn tkun (saret) definittiva?


(1)  ĠU 2008, L 348, p. 98.


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/8


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-559/19)

(2019/C 348/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Hermes, E. Manhaeve u E. Sanfrutos Cano, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi naqas milli jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jevita d-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art tar-reġjun ta’ Doñana, billi naqas milli jwettaq karatterizzazzjoni addizzjonali ta’ dawk li jirrappreżentaw riskju, mingħajr lanqas ma ddetermina l-miżuri neċessarji, u billi naqas milli jinkludi fil-programm ta’ miżuri tal-Pjan tal-Immaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara għad-Distrett tal-Baċin tax-Xmara tal-Guadalquivir miżuri bażiċi u supplimentari xierqa, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 1(a) u mal-punt 2.1.2 tal-Anness V; taħt l-Artikolu 5, moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II; u taħt l-Artikolu 11(1), (3)(a), (ċ) u (e), u (4), tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (1);

tiddikjara li, billi naqas milli jadotta l-miżuri adatti sabiex jevita d-deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitat tal-ispeċi li wasslu għan-nominazzjoni taż-żoni hawn ikkunsidrati (ŻPSGĦ/SIK ES0000024 Doñana, ŻPSGĦ/SIK ES6150009 Doñana Tramuntana u Punent u ŻPSGĦ ES6150012 Dehesa del Estero u Montes de Moguer), ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2), moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (2);

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1.

Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi taħt l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(a) u mal-punt 2.1.2 tal-Anness V tal-istess direttiva

L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60/KE jobbliga lill-Istati Membri jevitaw id-deterjorament tal-istat tal-korpi kollha tal-ilma ta’ taħt l-art. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 1(a) tal-istess direttiva, li jippreċiża l-għanijiet ambjentali li l-Istati Membri għandhom jilħqu fir-rigward tal-ilmijiet ta’ taħt l-art, u flimkien mal-punt 2.1.2 tal-Anness V tagħha, li jiddefinixxi l-istat tajjeb kwantitattiv tal-ilmijiet ta’ taħt l-art. Il-Kummissjoni tqis li r-Renju ta’ Spanja ma adottax il-miżuri neċessarji sabiex jevita d-deterjorament li jirriżulta minn sfruttament żejjed tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art tar-reġjun ta’ Doñana. Il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(a) u mal-punt 2.1.2 tal-Anness V tal-istess direttiva.

2.

Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60/KE, moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II tal-istess direttiva

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60/KE jistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita għad-distrett tal-baċin tax-xmara, filwaqt li jimponi f’kull każ analiżi tal-karatteristiċi tad-distrett, studju tar-riperkussjonijiet tal-attività umana fuq l-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ u ta’ taħt l-art, u analiżi ekonomika tal-użu tal-ilma. Meta, wara li ssir l-analiżi inizjali tal-karatteristiċi, jiġi nnotat li korp ta’ ilma ta’ taħt l-art jippreżenta riskju, l-Istati Membri għandhom, skont il-punt 2.2 tal-Anness II tad-Direttiva, iwettqu karatterizzazzjoni addizzjonali. Il-Kummissjoni tqis li r-Renju ta’ Spanja ma applikax korrettament l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/60/KE, moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II tal-istess direttiva, inkwantu ma wettaqx karatterizzazzjoni addizzjonali tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art tar-reġjun ta’ Doñana li jippreżentaw riskju, mingħajr lanqas ma ddetermina l-miżuri neċessarji. Il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60/KE, moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II tal-istess direttiva.

3.

Ksur tal-Artikolu 11(1), (3)(a), (ċ) u (e), u (4) tad-Direttiva 2000/60/KE

Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2000/60/KE, l-Istati Membri “jrid[u] jiżgura[w] li jkun stabbilit għal kull distrett tal-baċin tax-xmara, jew għall-parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara fi ħdan it-territorju [tagħhom], programm ta’ miżuri, b’konsiderazzjoni tar-riżultati ta’ l-analiżi meħtieġa taħt l-Artikolu 5, sabiex jinkisbu l-għanijiet imwaqqfa taħt l-Artikolu 4”. L-Artikolu 11(3)(a), (ċ) u (e) jistabbilixxi xi wħud mill-miżuri bażiċi li għandhom jiġu inklużi f’dan il-programm ta’ miżuri. L-Artikolu 11(4) jirreferi għall-miżuri supplimentari, li huma dawk intiżi u applikati b’mod addizzjonali għall-miżuri bażiċi. Il-Kummissjoni tqis li r-Renju ta’ Spanja ma inkludiex fil-Pjan tal-Immaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara għad-Distrett tal-Baċin tax-Xmara tal-Guadalquivir il-miżuri bażiċi u supplimentari xierqa, u għalhekk ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 11(1), (3)(a), (ċ) u (e), u (4) tad-Direttiva 2000/60/KE.

4.

Ksur tal-Artikolu 6(2) moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/43/KEE

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43/KEE jistabbilixxi, abbażi tal-prinċipju ta’ prevenzjoni, dmir ta’ protezzjoni ġenerali li jimponi li jiġi evitat, fl-habitat u fl-ispeċi li wasslu għan-nominazzjoni ta’ żona, kull deterjorament u kull tfixkil li jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv kuntrarju għall-għanijiet tad-Direttiva. Skont l-Artikolu 7 tal-istess direttiva, dan id-dmir ta’ protezzjoni jestendi għaż-żoni kklassifikati bħala Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali għall-Għasafar (ŻPSGĦ) taħt id-Direttiva 79/409/KEE [tal-Kunsill tat-2 ta’ April 1979] dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (3). Il-Kummissjoni tqis li, billi ma adottax il-miżuri adatti sabiex jevita d-deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitat tal-ispeċi li wasslu għan-nominazzjoni taż-żoni ŻPSGĦ/SIK ES0000024 Doñana, ŻPSGĦ/SIK ES6150009 Doñana Tramuntana u Punent u ŻPSGĦ ES6150012 Dehesa del Estero u Montes de Moguer, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/43/KEE.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.

(3)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98.


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/10


Appell ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fis-27 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-20/17, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-596/19 P)

(2019/C 348/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Bottka u P.-J. Loewenthal, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Ungerija u Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-20/17, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni;

tiċħad it-tieni u t-tielet motiv li jinsabu fir-rikors ippreżentat mill-Ungerija quddiem il-Qorti Ġenerali, li permezz tagħhom l-Ungerija tallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u użu ħażin tal-poter, u tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż kollha relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-appell;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni ġdida li tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi li preċedentement ma kinux ġew eżaminati, fejn jiġu rriżervati l-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fil-kuntest tal-ewwel aggravju l-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi ddikjarat li l-istruttura tar-rati ta’ taxxa progressivi tat-taxxa Ungeriża fuq ir-reklamar ma kinitx selettiva. Il-Kummissjoni tibbaża din l-allegazzjoni fuq tliet argumenti:

Fl-ewwel lok, fil-punti 78 sa 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ddikjarat li meta l-Kummissjoni identifikat is-sistema ta’ riferiment, hija eskludiet b’mod żbaljat ir-rati ta’ taxxa progressivi tat-taxxa Ungeriża fuq ir-reklamar. Kuntrarjament għal dak li ddikjarat il-Qorti Ġenerali, l-approċċ propost mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha huwa kompatibbli mal-ġurisprudenza. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ riferiment.

Fit-tieni lok, fil-punti 84 sa 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ddikjarat li meta l-Kummissjoni identifikat b’mod żbaljat l-għan tat-taxxa fuq ir-reklamar li fid-dawl tiegħu għanda tiġi eżaminata l-paragunabbiltà. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-perspettiva tal-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà huwa rilevanti biss l-għan tat-taxxa li għaliha tirreferi l-miżura, jiġifieri l-għan fiskali tal-miżura ddeterminat mill-fatt taxxabbli. Għanijiet oħra, bħal pereżempju l-kapaċità kontributtiva, huma rilevanti biss mill-perspettiva tal-evalwazzjoni dwar jekk tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata xi tip ta’ distinzjoni magħmula mit-taxxa – dejjem jekk tali għanijiet ikunu inerenti għan-natura tat-taxxa. Għaldaqstant, l-invokar mill-Qorti Ġenerali tal-allegat għan ridistributtiv tat-taxxa dwar ir-reklamar għall-iskopijiet tal-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà jikkostitwixxi żball ta’ liġi.

Fit-tielet lok, il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali espressa fil-punti 91 sa 105 tas-sentenza appellata, li skontha l-Kummissjoni wettqet żball billi kkonkludiet li l-għan ta’ ridistribuzzjoni ma jiġġustifikax in-natura progressiva tat-taxxa bbażat fuq il-volum ta’ kummerċ hija żbaljata. L-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li t-taxxa Ungeriża fuq ir-reklamar ma hijiex diskriminatorja u li l-għan tagħha huwa wieħed ridistributtiv hija bbażata fuq il-preżunzjoni żbaljata li l-impriżi b’volum għoli ta’ kummerċ neċessarjament ikollhom iktar benefiċċji mill-impriżi b’volum ta’ kummerċ iktar baxx. Billi bbażat ruħha fuq din il-preżunzjoni żbaljata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi inkwantu aċċettat, sabiex tiġġustifika d-distinzjoni maħluqa mit-taxxa, għan li ma jiffurmax parti min-natura tal-imsemmija taxxa. Barra minn hekk, billi ammettiet li din il-preżunzjoni hija żbaljata, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova b’mod indebitu u obbligat lill-Kummissjoni turi li r-rati ta’ taxxa stabbiliti mit-taxxa Ungeriża dwar ir-reklamar ma jistgħux jiġu ġġustifikati permezz tal-allegat għan ridistributtiv tagħha.

Fil-kuntest tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi ddikjarat li t-tnaqqis ta’ 50 % tat-telf ma kienx selettiv. Fl-ewwel lok, il-miżura ma hijiex kompatibbli mas-sistema ta’ riferiment li jitqies li tagħmel parti minnha, inkwantu tippermetti li l-persuni suġġetti għall-ħlas tat-taxxa skont il-volum ta’ kummerċ inaqqsu t-telf magħmul, liema fatt ma jirriflettix il-benefiċċji tal-impriża. Fit-tieni lok, il-miżura ma hijiex ta’ natura ġenerali, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, u ma tiddependix minn ċirkustanza inċerta, ġaladarba l-benefiċjarji tal-miżura relatata mal-eżerċizzju fiskali preċedenti setgħu jiġu identifikati fil-mument tal-introduzzjoni tat-taxxa.


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Špecializovaný trestný súd (is-Slovakkja) fid-9 ta’ Awwissu 2019 – Úrad špeciálnej prokuratúry Generálnej prokuratúry Slovenskej republiky vs TG, UF

(Kawża C-603/19)

(2019/C 348/12)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Špecializovaný trestný súd

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Úrad špeciálnej prokuratúry Generálnej prokuratúry Slovenskej republiky

Konvenuti: TG, UF

Domandi preliminari

1)

Id-Direttiva 2012/29/UE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, hija applikabbli, fil-qasam tad-drittijiet (bħad-dritt għal parteċipazzjoni attiva tal-parti leża fil-proċeduri kriminali u d-dritt għal kumpens għad-dannu f’tali proċeduri), li min-natura tagħhom stess ma humiex mogħtija lill-persuna fiżika biss, li hija esseri senzjenti, anki għall-persuni ġuridiċi u għall-Istat, u b’mod iktar preċiż għall-awtoritajiet nazzjonali, meta d-dritt nazzjonali jirrikonoxxilhom il-kwalità ta’ parti leża fil-kuntest tal-proċeduri kriminali?

2)

L-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 38(1)(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 (2) tal-21 ta’ Ġunju 1999, moqri flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1681/94 (3) tal-11 ta’ Lulju 1994, jipprekludu leġiżlazzjoni u prassi deċiżjonali (4) li skonthom, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, l-Istat la jista’ jaġixxi b’mod li jikkumpensa d-dannu li ġie kkawżat lilu permezz ta’ aġir frawdolenti mill-persuna indagata, li l-effett tiegħu kien miżapproprjazzjoni tal-fondi mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, u lanqas ma jista’ jippreżenta rikors, skont l-Artikolu 256(3) tal-Kodiċi tal-Proċeduri Kriminali, kontra digriet li permezz tiegħu l-qorti tkun iddeċidiet li l-Istat, jew l-awtorità nazzjonali li tirrappreżentah, ma jistax jintervjeni fis-seduta bħala parti leża li għandha dritt titlob kumpens għad-dannu, u lanqas ma għandu għad-dispożizzjoni tiegħu xi azzjoni oħra li tippermettilu jinvoka d-dritt tiegħu kontra l-persuna indagata, tant li huwa wkoll impossibbli li d-dritt tiegħu għall-kumpens tad-dannu fuq il-beni u d-drittijiet patrimonjali tal-persuna indagata skont l-Artikolu 50 tal-Kodiċi ta’ Proċeduri Kriminali jiġi ggarantit u b’hekk, de facto, dan id-dritt ma jkunx jista’ jiġi infurzat?

3)

L-espressjoni “l-istess impriża” li tinsab fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kusnill (KE) Nru 994/98 (5) tas-7 ta’ Mejju 1998 moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 (6) tat-12 ta’ Jannar 2001, għandha tiġi interpretata fuq livell purament formali, fis-sens li huwa neċessarju u biżżejjed li jiġi stabbilit jekk l-entitajiet ikkonċernati għandhomx personalità ġuridika awtonoma abbażi tad-dritt nazzjonali, b’mod li għajnuna mill-Istat ta’ ammont massimu ta’ EUR 100 000 tkun tista’ tingħata lil kull waħda minn dawn l-impriżi, jew il-kriterju determinanti huwa l-mod effettiv li bih dawn l-impriżi, li huma miżmuma mill-istess persuni, jiffunzjonaw u huma amministrati bħallikieku inkwistjoni hemm sistema ta’ kumpanniji sussidjarji mmexxija minn kumpannija omm, minkejja li kull waħda minnhom għandha l-personalità rispettiva tagħha fid-dritt nazzjonali, u li għaldaqstant dawn għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu “l-istess impriża” u, kollha f’daqqa, jirċievu biss għajnuna mill-Istat waħda ta’ ammont massimu ta’ EUR 100 000?

4)

Għall-finijiet tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (7) tas-26 ta’ Lulju 1995, il-kunċett ta’ “dannu” jindika biss il-parti tal-fondi, miksuba illegalment, li hija direttament marbuta mal-aġir frawdolenti jew jindika anki l-ispejjeż effettivament sostnuti u debitament iġġustifikati, kif ukoll l-użu tal-kontribuzzjoni, jekk mill-provi jiġi stabbilit li kienu meħtieġa għall-ħabi tal-aġir frawdolenti, sabiex l-iskoperta tal-aġir frawdolenti tiġi ttardjata jew sabiex l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni tinkiseb kollha kemm hi?


(1)  Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU 2012, L 315, p. 57).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31).

(3)  Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1681/94 tal-11 ta’ Lulju 1994 dwar irregolaritajiet u l-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa ħażin in konnessjoni mal-finanzjament tal-politika strutturali u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 23).

(4)  Opinjoni tas-Sezzjoni Kriminali tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky tad-29 ta’ Novembru 2017.

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 312).

(6)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 138).

(7)  Konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 9).


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/12


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal d’instance de Lagny-sur-Marne (Franza) fit-13 ta’ Awwissu 2019 – BNP Paribas Personal Finance SA vs VE

(Kawża C-609/19)

(2019/C 348/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal d’instance de Lagny-sur-Marne

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: BNP Paribas Personal Finance SA

Konvenut: VE

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu s-suġġett prinċipali ta’ self iddenominat f’munita barranija u rimborsabbli fil-munita nazzjonali, mingħajr ma jistgħu jitqiesu b’mod iżolat, il-klawżoli li jistipulaw rimborsi b’intervalli fissi allokati b’mod prioritarju lill-interessi u li jipprevedu estensjoni tat-terminu tal-kuntratt u ż-żieda tal-pagamenti, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, liema bilanċ [jista’] jiżdied b’mod sinjifikattiv b’riżultat tal-varazzjonijiet fir-rata tal-kambju?

2)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli li jistipulaw rimborsi b’intervalli fissi allokati b’mod prioritarju lill-interessi u li jipprevedu estensjoni tat-terminu [tal-kuntratt] u ż-żieda tal-pagamenti, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, li jista’ jiżdied b’mod sinjifikattiv b’riżultat tal-varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju, joħolqu żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt, b’mod partikolari sa fejn huma jesponu lill-konsumatur għal riskju sproporzjonat relatat mar-rata tal-kambju?

3)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi li ċ-ċarezza u l-komprensjoni tal-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija u rimborsabbli fil-munita nazzjonali, jiġu evalwati, fil-mument meta jiġi konkluż il-kuntratt, b’riferiment għall-kuntest ekonomiku prevedibbli, li fil-każ ineżami huma l-konsegwenzi tad-diffikultajiet ekonomiċi tas-snin 2007 sa 2009 fuq il-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għarfien espert u tal-konoxxenzi ta’ sellief professjonali u tal-bona fide tiegħu?

4)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi li ċ-ċarezza u l-komprensjoni tal-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija u rimborsabbli fil-munita nazzjonali, jiġu evalwati billi l-konsumatur jingħata informazzjoni, b’mod partikolari, kwantitattiva, li hija oġġettiva u astratta biss u li ma tieħux inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku li jista’ jkollu impatt fuq il-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju, mis-sellief li għandu l-għarfien espert u l-konoxxenzi ta’ professjonist?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 2, p. 288).


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/13


Appell ippreżentat fil-21 ta’ Awwissu 2019 minn Alfamicro - Sistemas de computadores, Sociedade Unipessoal, Lda. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-28 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-64/18, Alfamicro vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-623/19 P)

(2019/C 348/14)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Appellanti: Alfamicro - Sistemas de computadores, Sociedade Unipessoal, Lda. (rappreżentanti: G. Gentil Anastácio u D. Pirra Xarepe, advogados, u M. Stock da Cunha, advogada estagiária)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fil-Kawża T-64/18 (1),

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 8839 final tat-13 ta’ Diċembru 2017,

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li l-fatt li jagħti lok għal dejn kuntrattwali huwa l-kuntratt innifsu. Konsegwentement, jekk il-Kummissjoni tista’ tinferixxi l-pretensjonijiet tagħha fl-azzjoni dikjaratorja, u ma tkunx għamlet dan, hija ma tistax, wara li tingħata s-sentenza, toħroġ titoli eżekuttivi fuq l-amonti dovuti mhux koperti.

Il-Kummissjoni wettqet użu ħażin ta’ poter.

Fis-sentenza dikjaratorja (T-831/14) (2), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar id-dejn dovut lill-Kummissjoni riżultanti mill-ftehim ta’ għajnuna, u mhux, kif tiddeċiedi issa b’mod żbaljat il-Qorti Ġenerali, fuq l-ispejjeż ineliġibbli relatati mal-perijodu kopert mill-verifika.

Id-dispożittiv tas-sentenza mogħtija fl-azzjoni dikjaratorja (T-831/14) ma jikkonstata ebda limitazzjoni, la fir-rigward tad-dejn, la fir-rigward tal-perijodu u lanqas fir-rigward tal-ispejjeż.

Fil-konfront ta’ obbligu uniku, id-dejn fit-termini tal-ftehim ta’ għajnuna, hemm korrispettiv ta’ titolu eżekuttiv uniku.

Ma jagħmel ebda sens li l-Qorti Ġenerali tiffissa dejn b’mod definittiv biex sussegwentement il-kreditur isostni li, finalment, ma kinux ġew ikkalkolati l-ammonti kollha.

L-appellenti ssostni li mill-mument li tinbeda azzjoni dikjaratorja għall-iffissar ta’ dejn kuntrattwali tal-Unjoni, ma huwiex permess li l-Kummissjoni toħroġ titoli eżekuttivi mingħajr ma żżomm is-sentenza tal-Qorti Ġenerali bħala punt ta’ riferiment.

Jekk l-azzjoni dikjaratorja jkollha bħala għan id-dejn kuntrattwali li tagħha hija detentriċi l-Kummissjoni fil-konfront tad-debitur, il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali sabiex tiffissa d-dejn teskludi s-setgħa tal-Kummissjoni li toħroġ titoli jmorru lil hinn mis-sentenza.


(1)  EU:T:2019:453.

(2)  Ara l-Kawża C-14/18 P.


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/14


Appell ippreżentat fis-27 ta’ Awwissu 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla Estiża) fit-18 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-624/15, European Food et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-638/19 P)

(2019/C 348/15)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Maxian Rusche, aġent, P.-J. Loewenthal, aġent)

Partijiet oħra fil-proċedura: European Food SA, Starmill SRL, Multipack SRL, Scandic Distilleries SA, Ioan Micula, Viorel Micula, European Drinks SA, Rieni Drinks SA, Transilvania General Import-Export SRL, West Leasing International SRL, ir-Renju ta’ Spanja u l-Ungerija

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla Estiża) tat-18 ta’ Ġunju 2019 fil-kawżi magħquda T-624/15, T-694/15 u T-704/15, European Food et vs Il-Kummissjoni (1);

tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel motiv u l-ewwel parti tat-tieni motiv invokati fil-Kawża T-704/15;

tiċħad l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni motiv invokati fil-kawżi T-624/15 u T-694/15;

tibgħat il-kawżi magħquda T-624/15, T-694/15 u T-704/15 lura quddiem il-Qorti Ġenerali għall-eżami tal-motivi li għadhom ma ġewx evalwati; u

tirriżerva l-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE u/jew tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-att dwar l-adeżjoni tar-Rumanija (2) kif ukoll żball fil-klassifikazzjoni tal-fatti, meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni appellata (3).

Prinċipalment, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-miżura li permezz tagħha r-Rumanija tat l-għajnuna lil Ion u lil Viorel Micula, investituri ta’ ċittadinanza Svediża, u lil tliet kumpanniji Rumeni kkontrollati minnhom (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien l-“aħwa Micula”) hija r-revoka tal-iskema ta’ inċentivi fit-22 ta’ Frar 2005. Fil-fatt, huwa bil-ħlas tad-danni mogħtija minħabba r-revoka ta’ din l-iskema, li sseħħet wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, li r-Rumanija tat l-għajnuna lill-aħwa Micula.

Sussidjarjament, il-Kummissjoni targumenta li, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet ġustament li l-miżura ta’ għoti tal-għajnuna kienet ir-revoka tal-iskema ta’ inċentivi mir-Rumanija (quod non), il-Kummissjoni fi kwalunkwe każ kellha kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni appellata skont il-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-att dwar l-adeżjoni tar-Rumanija.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tal-att dwar l-adeżjoni tar-Rumanija u tar-regoli dwar l-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll żball fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-ftehim Ewropew tal-1995 (4) u fil-klassifikazzjoni tal-fatti, meta kkonkludiet li d-dritt tal-Unjoni ma kienx japplika għad-danni mogħtija.

Prinċipalment, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li d-dritt tal-Unjoni ma kienx applikabbli għad-danni mogħtija għar-raġuni li l-fatti wara dawn tal-aħħar seħħew qabel l-adeżjoni. Fir-realtà, l-għoti tad-danni jikkostitwixxi l-effetti ulterjuri ta’ sitwazzjoni li seħħet qabel l-adeżjoni fis-sens tar-regoli dwar l-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni.

Sussidjarjament, il-Kummissjoni targumenta li, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet ġustament li l-għoti tad-danni ma kienx jikkostitwixxi l-effetti ulterjuri ta’ sitwazzjoni li seħħet qabel l-adeżjoni (quod non), id-dritt tal-Unjoni xorta kien japplika għad-danni mogħtija, għaliex il-ftehim Ewropew tal-1995, li jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni, kien applikabbli għall-fatti kollha wara l-imsemmija danni li seħħew qabel l-adeżjoni.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u naqset milli tapplika l-Artikolu 64(1)(iii) tal-ftehim Ewropew tal-1995, billi kkonkludiet li d-deċiżjoni appellata kklassifikat b’mod żbaljat l-għoti ta’ danni mit-Tribunal Arbitrali bħala vantaġġ.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni appellata u li d-dritt tal-Unjoni ma kienx applikabbli għad-danni mogħtija.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argumenti kollha mqajma fid-deċiżjoni appellata li jippruvaw li r-Rumanija tat vantaġġ lill-aħwa Micula. L-argumenti mhux eżaminati huma biżżejjed fihom infushom sabiex tiġi ġġustifikata l-eżistenza ta’ vantaġġ.


(1)  EU:T:2019:423.

(2)  Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203).

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1470 tat-30 ta’ Marzu 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/C) (ex 2014/NN) et seq implimentata mir-Rumanija – Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ Micula vs ir-Rumanija tal-11 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2015, L 232, p. 43).

(4)  Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ekonomiċi Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 59, p. 3).


Il-Qorti Ġenerali

14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/16


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2019 – ZU v SEAE

(Kawża T-499/19)

(2019/C 348/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: ZU (rappreżentant: C. Bernard-Glanz, avukat)

Konvenut: Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjonijiet tas-SEAE tal-31 ta’ Awwissu 2018 u tal-10 ta’ Jannar 2019, li jimplimentaw in-nota tas-Servizz Mediku tat-30 ta’ Awwissu 2018, billi jitnaqqas il-leave tal-mard;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ diliġenza, b’inflazzjoni ta’ stimi tal-ispejjeż li wasslet għall-imputazzjoni mhux ġustifikata tar-responsabbiltà tar-rikorrent talli ma deherx għal eżami mediku fi Brussell.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter b’indikazzjoni ta’ intenzjoni deliberata sabiex ir-rikorrent jiġi ppreġudikat minħabba preġudizzju personali.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent kinitx inbidlet u n-nuqqas ta’ analiżi fid-dettall dwar għaliex ir-responsabbiltà ġiet imputata lir-rikorrent talli ma deherx għal eżami mediku.


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/17


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Awwissu 2019 – Scandlines Danmark and Scandlines Deutschland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-566/19)

(2019/C 348/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Scandlines Danmark ApS (Kopenħagen, id-Danimarka), Scandlines Deutschland GmbH (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentant: L. Sandberg-Mørch, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Lulju 2019 li tiċħad parzjalment it-talba tar-rikorrenti għall-proroga tat-terminu – sal-5 ta’ Settembru 2019 jew sal-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2019 – sabiex isiru osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-każ SA. 39078 (2019/C) (ex 2014/N) – Finanzjament tal-konnessjoni fissa tal-Fehmarn Belt;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-proroga tat-terminu inkwistjoni, sal-5 ta’ Settembru 2019 jew sal-31 ta’ Awwissu 2019, ġiet miċħuda, peress li din id-deċiżjoni ma tinkludi ebda motivazzjoni jew, fi kwalunkwe każ, tinkludi motivazzjoni insuffiċjenti, insostenn ta’ din iċ-ċaħda.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589 (1) u, għaldaqstant, tad-dritt tar-rikorrenti, fil-kwalità tagħhom ta’ partijiet interessati, li jipparteċipaw effettivament għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali relatata mal-każ fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat SA.39078, filwaqt li t-talba tagħha kienet debitament iġġustifikata, fondata u proporzjonata.


(1)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/17


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Awissu 2019 –Victoria’s Secret Stores Brand Management vs EUIPO – Lacoste (LOVE PINK)

(Kawża T-582/19)

(2019/C 348/18)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Victoria’s Secret Stores Brand Management, Inc. (Reynoldsburg, Ohio, l-Istati Uniti) (rappreżentant: J. Dickerson, Solicitor)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Lacoste SA (Pariġi, Franza)

Informazzjoni dwar il-proċedimenti quddiem l-EUIPO

Applikant għat-trade mark kontenzjuża: ir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark kontenzjuża kkonċernata: Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea LOVE PINK – Applikazzjoni għal reġistrazzjoni Nru 11 853 389.

Proċedimenti quddiem l-EUIPO: proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

Deċiżjoni kkontestata: id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tas-27 ta’ Mejju 2019 fil-Każ R 1078/2018-1.

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari sa fejn din tirrigwarda l-motiv ta’ appożizzjoni bbażat fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Dwar it-Trade Mark tal-Unjoni Ewropea;

tawtorizza r-reġistrazzjoni tal-Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea Nru 11 853 389;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motiv invokat

Ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.


14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/18


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Awwissu 2019 – Electrolux Home Products vs EUIPO – D. Consult (FRIGIDAIRE)

(Kawża T-583/19)

(2019/C 348/19)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Electrolux Home Products, Inc. (Charlotte, North Carolina, l-Istati Uniti) (rappreżentant: P. Brownlow, Solicitor)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: D. Consult (Wattignies, Franza)

Informazzjoni dwar il-proċedimenti quddiem l-EUIPO

Proprjetarju tat-trade mark kontenzjuża: ir-rikorrenti

Trade mark kontenzjuża kkonċernata: it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea “FRIGIDAIRE” – Trade mark tal-Unjoni Ewropea Nru 71 241

Proċedimenti quddiem l-EUIPO: proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità

Deċiżjoni kkontestata: id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tas-17 ta’ Ġunju 2019 fil-Każ R 166/2018-5

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-23 ta’ Novembru 2017 bin-numru tal-kanċellazzjoni 11921 C li tirrevoka t-trade mark tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ magni li jnixxfu l-ħwejjeġ, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, magni tal-ħasil tal-platti u spiritieri;

iżżomm fis-seħħ it-trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata fir-rigward tal-magni li jnixxfu l-ħwejjeġ, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, magni tal-ħasil tal-platti u spiritieri;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

Motivi invokati

Il-Bord tal-Appell applika l-liġi b’mod ħażin meta ddeċieda li l-użu tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kif ippruvat bil-bejgħ ta’ magni li jnixxfu l-ħwejjeġ, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, magni tal-ħasil tal-platti u spiritieri mir-rikorrenti lil bażijiet militari tal-Istati Uniti fil-Ġermanja u l-Belġju ma kienx jammonta għal użu tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-iskopijiet tal-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2017/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

Il-Bord tal-Appell applika l-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’mod ħażin meta naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-evidenza tar-rikorrenti tal-użu fil-forma ta’ bejgħ lil Johann Fouquet GmbH meta qies l-użu kollu tar-rikorrenti tat-trade mark tal-Unjoni fir-rigward tal-magni li jnixxfu l-ħwejjeġ, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, magni tal-ħasil tal-platti u spiritieri;

Il-Bord tal-Appell applika l-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’mod ħażin meta naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-evidenza tal-użu fil-forma ta’ użu fuq il-midja soċjali meta qies l-użu kollu tar-rikorrenti tat-trade mark tal-Unjoni fir-rigward tal-magni li jnixxfu l-ħwejjeġ, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, magni tal-ħasil tal-platti u spiritieri.