ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 275

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 62
14 ta' Awwissu 2019


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

2019/C 275/01

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-Semestru Ewropew u l-Politika ta’ Koeżjoni: riformi strutturali mmirati lejn investiment fit-tul

1

 

OPINJONIJIET

2019/C 275/02

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti

5


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

14.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/1


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-Semestru Ewropew u l-Politika ta’ Koeżjoni: riformi strutturali mmirati lejn investiment fit-tul

(2019/C 275/01)

Relatur

:

Rob Jonkman (NL/KRE), Membru tal-Kunsill Eżekuttiv ta’ Opsterland

Dokument ta’ referenza

:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019: Għal Ewropa aktar b’saħħitha quddiem l-inċertezza globali

COM(2018) 770 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

Is-Semestru Ewropew huwa l-iktar strument importanti fil-livell tal-UE għall-koordinazzjoni tal-politiki (soċjo)ekonomiċi u baġitarji tal-Istati Membri, fejn l-Istati Membri huma mistennija jallinjaw il-politiki baġitarji u ekonomiċi tagħhom mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-UE. L-Istrateġija Ewropa 2020 għalhekk isservi ta’ qafas ta’ politika għar-rakkomandazzjonijiet. Bis-saħħa tar-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu riformi strutturali biex isaħħu l-ekonomija, jippromovu l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali u jtejbu l-klima tal-investiment.

2.

Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet, l-Istati Membri se jiżviluppaw l-istrateġiji ta’ investiment nazzjonali tagħhom stess, li, flimkien mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma annwali se jiġu proposti bħala l-bażi għall-proġetti ta’ investiment prijoritarji li għandhom jiġu appoġġjati minn fondi nazzjonali u tal-UE. Is-Semestru Ewropew għaldaqstant jaffettwa t-tfassil ta’ politika mill-awtoritajiet fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali matul is-sena.

3.

Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali (2014–2020), l-UE stabbiliet koordinazzjoni iżjed mill-qrib bejn is-Semestru Ewropew u l-programmi ta’ koeżjoni fl-Istati Membri u r-reġjuni. Studju reċenti li sar mid-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DG EMPL) juri li l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) attwali huma rilevanti għal madwar 60 % tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

4.

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss (2021–2027), il-Kummissjoni qed timmira għal koordinazzjoni aktar vinkolanti bejn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-programmi ta’ koeżjoni sabiex l-interventi ffinanzjati mill-politika ta’ koeżjoni jkunu aktar effettivi u jiksbu riżultati aktar sostenibbli. Sabiex dan jinkiseb, is-Semestru Ewropew 2019 ser jiffoka aktar fuq il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment bħala gwida għat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ programmazzjoni għall-2021–2027. L-analiżi fir-rapporti tal-pajjiżi tal-2019 se tħares lejn il-ħtiġijiet ta’ investiment f’kull pajjiż, inklużi — fejn rilevanti — id-dimensjonijiet reġjonali u settorjali. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, anness ġdid għar-rapport tal-pajjiżi ser jindika l-ħtiġijiet ta’ investiment li huma rilevanti għall-politika ta’ koeżjoni 2021–2027.

5.

Għall-programmi ta’ koeżjoni ġodda, il-Kummissjoni qed tipproponi li fil-proposta għal Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jiġu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-anqas f’żewġ okkażjonijiet: fil-bidu tal-programmazzjoni u fil-qafas tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, li hija hija prevista għall-2025.

6.

Il-Kummissjoni ser tikkunsidra b’mod espliċitu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi kemm fl-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija kif ukoll fil-programmi tal-FSIE.

7.

Jiddispjaċih li qabel il-preżentazzjoni tal-proposti tagħha dwar ir-regolamenti applikabbli għall-programmi ta’ finanzjament il-ġodda tal-UE mill-2021 ’il quddiem u qabel iċ-ċiklu ta’ governanza ġdid li jibda wara l-elezzjonijiet ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx proposta għal suċċessur għall-Istrateġija Ewropa 2020, minkejja talbiet ripetuti mill-Kumitat u l-Parlament u l-kummenti ta’ kritika min naħa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Madankollu jilqa’ l-pubblikazzjoni tad-Dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030” fit-30 ta’ Jannar 2019, li dwaru l-KtR ser jiddedika opinjonijiet separati dwar l-aspetti relatati mal-governanza u dwar l-implimentazzjoni tal-objettivi ambjentali u klimatiċi. Tabilħaqq, jekk l-Ewropa trid tirnexxi fil-bidla tal-paradigma biex tkun sostenibbli sal-2030, l-involviment sħiħ tal-gvernijiet lokali u reġjonali huwa meħtieġ peress li dawn iġorru r-responsabbiltà għall-kisba ta’ 65 % tal-miri tal-SDGs.

Il-fehma tal-Kumitat dwar is-Semestru Ewropew b’rabta mal-politika ta’ koeżjoni

8.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jirreferi għall-opinjonijiet u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tal-2017 u l-2018 dwar is-Semestru Ewropew u r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, ir-rabta mal-politika ta’ koeżjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà, is-sħubija u l-governanza f’diversi livelli.

9.

Il-Kumitat jappoġġja l-impenn tal-UE rigward riformi fl-Istati Membri sabiex jiżdiedu l-kompetittività u t-tkabbir, jissaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-konverġenza ekonomika, kif ukoll biex tiżdied ir-reżiljenza għax-xokkijiet esterni u b’hekk tittejjeb l-istabbiltà taż-żona tal-euro (1).

10.

Fid-dawl ta’ dawn ir-riformi, il-Kumitat jitlob għal qafas strateġiku ġdid bħala suċċessur tal-Istrateġija Ewropa 2020. Din l-istrateġija l-ġdida hija wkoll mument opportun għar-riforma tal-governanza tas-Semestru Ewropew, peress li r-reġjuni u l-muniċipalitajiet, għajr għal xi eċċezzjonijiet, ġeneralment mhumiex involuti jew ftit li xejn huma involuti fl-abbozzar tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (2). Dan idgħajjef il-kontenut demokratiku u l-leġittimità territorjali tas-Semestru Ewropew.

11.

Il-KtR jinnota li s’issa sar ftit wisq biex jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ħolqien ta’ qafas strateġiku ġdid jew fit-tħejjija ta’ programmi nazzjonali ta’ riforma. Soluzzjoni għal dan jista’ jkun pereżempju permezz tal-użu ta’ għarfien espert min-Netwerk taċ-Ċentri Reġjonali li, taħt il-koordinazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni fl-2019–2020, jirċievi feedback minn 20 reġjun dwar l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE.

12.

Fir-rigward tas-Semestru Ewropew, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ sjieda u n-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva fil-livelli kollha ta’ gvern biex l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tkun suċċess. In-nuqqas ta’ definizzjoni ċara ta’ x’inhuma riformi strutturali ma jibbenefikax il-proċess tas-Semestru Ewropew. F’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, ir-riformi strutturali għandhom ikunu eliġibbli biss sakemm ikunu rilevanti għall-implimentazzjoni tal-objettivi tat-Trattat u l-miżuri għandhom ikunu proporzjonati għal dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv u għandhom ikunu direttament relatati mal-kompetenzi tal-Unjoni (3).

13.

Fil-fehma tal-Kumitat, is-sjieda tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tista’ tissaħħaħ billi jiżdied l-involviment tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet biex b’hekk is-Semestru Ewropew jingħata dimensjoni territorjali kemm fil-livell analitiku (permezz tal-estensjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi b’analiżijiet ta’ xejriet territorjali u l-impatt territorjali tal-politiki tal-UE) kif ukoll fil-livell operattiv (billi jiġi żgurat involviment aktar mifrux u sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, abbażi ta’ sħubija u governanza f’diversi livelli) (4).

14.

Fir-rigward tal-koordinazzjoni bejn is-Semestru Ewropew, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-politika ta’ koeżjoni, il-Kumitat jistqarr li fil-prinċipju l-politika ta’ koeżjoni hija politika indipendenti u li l-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni (koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali) għandhom jinżammu f’kull ħin. Dan jirrikjedi li tingħata attenzjoni lir-rilevanza bejn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-programmi ta’ koeżjoni u l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kemm fir-rigward tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma kif ukoll fir-rigward tal-programmi ta’ koeżjoni (5).

Il-pożizzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew u l-politika ta’ koeżjoni

15.

Il-Kumitat jinnota li, minkejja r-rabta bejn is-Semestru Ewropew u l-programmi ta’ koeżjoni attwali, għadu ma ġie stabbilit l-ebda mekkaniżmu fil-livell tal-UE biex jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b’mod strutturat fit-tfassil tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u l-istrateġiji tal-investiment. Madankollu, ġie stabbilit Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-sħubija għall-abbozzar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi tal-FSIE u l-Ftehimiet ta’ Sħubija. Abbażi ta’ dan il-Kodiċi ta’ Kondotta, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma msieħba diretti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-ġestjoni kondiviża tal-politika ta’ koeżjoni.

16.

Il-Kumitat jenfasizza li r-rakkomandazzjonijiet li saru fil-kuntest tas-Semestru Ewropew jikkonċernaw l-aktar oqsma ta’ politika fejn l-UE u l-Istati Membri għandhom kompetenzi kondiviżi u l-UE tista’ biss taġixxi biex tappoġġjahom.

17.

Il-Kumitat jenfasizza li l-involviment strutturat tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jsir parti permanenti tas-Semestru Ewropew. Jiddispjaċih li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jirreferi għall-involviment tal-imsieħba soċjali u l-parlamenti nazzjonali, iżda mhux tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif kien il-każ fl-2018.

18.

Il-Kumitat jinnota li dan imur kontra l-prinċipji tas-sussidjarjetà (Artikolu 5(3) tat-TUE u l-Protokoll Nru 2), il-governanza f’diversi livelli u s-sħubija (ara l-Artikolu 6 dwar is-Sħubija u l-governanza f’diversi livelli tal-abbozz ta’ proposta għal regolament li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi, COM (2018) 375), minħabba li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, permezz tal-politika ta’ koeżjoni, għandhom impatt dirett fuq it-tfassil tal-politika fil-livell lokali u reġjonali u b’hekk jimponu obbligi fuq dan il-livell f’oqsma ta’ politika fejn għandu setgħat leġislattivi. Dan imur ukoll kontra l-prinċipji tal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali tal-Kunsill tal-Ewropa.

19.

Il-Kumitat jirreferi f’dan ir-rigward għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà tat-23 ta’ Ottubru 2018 (6) fejn, fost affarijiet oħra, jiġi rikonoxxut li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma differenti minn partijiet interessati oħra għax huma minn ta’ quddiem fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u li “f’ħafna każijiet hemm lok għall-fehmiet tal-Parlamenti nazzjonali u reġjonali u dawk tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom jiġu riflessi aħjar minn kull Stat Membru matul il-proċedura leġiżlattiva.”

20.

Il-Kumitat jirreferi wkoll għar-raba’ rakkomandazzjoni tat-Task Force tal-Kummissjoni dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u dwar li “Isir inqas b’mod iktar effiċjenti”, li tiddikjara li “l-Istati Membri għandhom isegwu l-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea u li fit-tħejjija tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom jaħdmu flimkien b’mod sinifikanti mal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġu implimentati riformi strutturali fil-qafas tas-Semestru Ewropew sabiex jitjiebu s-sjieda u l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi” (7).

21.

Il-Kumitat għalhekk jenfasizza li l-aħjar mod biex jiġi evitat ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u biex tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva tal-politika huwa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti bis-sħiħ u b’mod strutturat fis-Semestru Ewropew, fid-dawl tal-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli. F’dan il-kuntest, huwa ta’ tħassib li n-negozjati tal-Kunsill dwar ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni qed jirreferu għall-illaxkar tal-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli, peress li dan jista’ jdgħajjef il-koordinazzjoni effettiva bejn is-Semestru Ewropew u l-politika ta’ koeżjoni.

Lejn rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u programmi ta’ koeżjoni ġodda 2021–2027

22.

Fid-dawl tat-talba tal-Presidenza Rumena tal-UE lill-Kumitat għal opinjoni rigward il-livell ta’ flessibilità għar-reġjuni fi ħdan ir-rabta bejn il-programmi ta’ koeżjoni u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u kif ir-reġjuni jistgħu jingħataw post aħjar fis-Semestru Ewropew, il-Kumitat jagħmel ir-rimarki li ġejjin:

23.

Il-Kumitat jinnota bi pjaċir li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2019 jindirizza d-dimensjoni reġjonali tal-politika Ewropea ta’ investiment, iżda jinnota li dan isir biss sa ċertu punt.

24.

Il-Kumitat jinnota li r-rapporti tal-pajjiżi tal-2019 jinkludu għall-ewwel darba valutazzjoni tad-disparitajiet reġjonali kif ukoll “Gwida għal investiment fir-rigward il-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni 2021–2027” (Anness D) għal kull Stat Membri li tniedi d-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2021–2027.

25.

Il-Kumitat jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2019 li “l-Ewropa teħtieġ viżjoni fit-tul”. Jenfasizza li għadd komuni ta’ għanijiet fit-tul jiffaċilita l-bilanċ meħtieġ bejn l-objettivi tat-tkabbir sostenibbli, il-koeżjoni, l-inklużjoni soċjali, ir-reżiljenza u l-istabbiltà makroekonomika, fejn l-Istati Membri jiksbu taħlita vijabbli u soċjalment aċċettata ta’ investimenti u riformi strutturali.

26.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għalhekk għandhom jiżguraw li l-livelli kollha tal-gvern jiġu involuti fit-tħejjija tar-rapporti tal-pajjiżi u tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż billi jidentifikaw l-immappjar tat-taħlita ta’ investimenti u r-riformi li huma l-aktar adattati għall-pajjiżi u r-reġjuni tagħhom, u t-tfassil tal-politiki rilevanti fid-dawl tar-rapporti nazzjonali.

27.

F’dan il-kuntest il-Kumitat itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar it-twaqqif ta’ Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex titjieb il-governanza tas-Semestru Ewropew (8). Huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom rwol formali fil-proċess tas-Semestru Ewropew, sabiex, fejn ikun rilevanti, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jissarrfu f’investimenti fil-programmi l-ġodda ta’ koeżjoni permezz ta’ djalogu u koordinazzjoni orizzontali.

28.

Jenfasizza li l-proċess ta’ programmazzjoni tal-programmi l-ġodda ta’ koeżjoni diġà beda bil-publikazzjoni tar-Rapporti tal-Pajjiżi fis-27 ta’ Frar 2019 (9) li jwittu t-triq għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, u għalhekk wasal iż-żmien li niżguraw il-pożizzjoni formali tal-awtorjitajiet lokali u reġjonali fil-proċess ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Din il-problema tista’ tiġi indirizzata billi l-Kodiċi tal-Kondotta attwali dwar is-Sħubija jiġi estiż għall-proċess ta’ politika tas-Semestru Ewropew.

29.

Bil-għan li jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew, il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta’ inizjattivi fejn l-eżempji tajbin tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u l-istrateġiji ta’ investiment jinġabru u jiġu skambjati.

30.

Minħabba n-nuqqas ta’ involviment formali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess ta’ politika tas-Semestru Ewropew, l-approċċ minn fuq għal isfel qed jhedded il-programmazzjoni ta’ programmi ġodda ta’ koeżjoni, fejn il-libertà tal-għażla fil-livell lokali u reġjonali qed tiġi ristretta b’mod avvers u l-flessibbiltà mhux qed tiġi rispettata. Dan jista’ jżid in-nuqqas ta’ sjieda fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, u jtellef l-implimentazzjoni b’suċċess tal-programmi l-ġodda ta’ koeżjoni. Dan imur kontra l-isforzi tal-Kummissjoni biex torjenta l-politika ta’ koeżjoni aktar lejn ir-riżultati u żżid il-valur miżjud tal-politika għall-UE u l-Istati Membri tagħha.

Brussell, l-10 ta’ April 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-politiki ekonomiċi għaż-żona tal-euro u fid-dawl tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 (ĠU C 461, 21.12.2018, p. 1).

(2)  Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-politiki ekonomiċi għaż-żona tal-euro u fid-dawl tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 (ĠU C 461, 21.12.2018, p. 1).

(3)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi u l-Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti” (ĠU C 86, 7.3.2019, p. 335).

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “It-titjib tal-governanza tas-Semestru Ewropew: Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali” (ĠU C 306, 15.9.2017, p. 24).

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni” (ĠU C86, 7.3.2019, p. 41).

(6)  COM(2018) 703 final

(7)  Rapport tat-Task Force tal-Kummissjoni dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u dwar li “Isir inqas b’mod iktar effiċjenti”: Sussidjarjetà attiva. Mod ġdid ta’ ħidma (Lulju 2018).

(8)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “It-titjib tal-governanza tas-Semestru Ewropew: Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (ĠU C 306, 15.9.2017, p. 24).

(9)  https://ec.europa.eu/info/publications/2019-european-semester-country-reports_mt


OPINJONIJIET

14.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/5


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti

(2019/C 275/02)

Relatur

:

is-Sur Martikainen (FI/ALDE) Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Lapinlahti

Dokument ta’ referenza

:

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Progress fl-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-foresti “Strateġija ġdida tal-UE għall-foresti: għall-foresti u s-settur tal-foresti”

COM(2018) 811 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

Jilqa’, u jirrikonoxxi l-ħtieġa għar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Foresti, li ġie ppubblikat fis-7 ta’ Diċembru 2018. Ir-rapport iwassal lill-Kumitat biex jemmen li l-Istrateġija għall-Foresti kienet għodda utli għall-koordinazzjoni ta’ diversi politiki. L-għażla tal-oqsma ta’ prijorità tal-istrateġija wriet li kienet ta’ suċċess u, b’mod ġenerali, sar progress biex jintlaħqu l-għanijiet. Madankollu, huwa possibbli li jinkiseb ħafna aktar billi tkompli tittieħed azzjoni konsistenti fl-Istati Membri, fil-livell reġjonali u lokali, kif ukoll fir-relazzjonijiet esterni;

2.

Minbarra l-Opinjoni preċedenti tiegħu (1), li f’ħafna aspetti hija konformi mal-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni stess, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-konsistenza tal-oqsma ta’ politika u l-miżuri relatati mal-foresti biex b’hekk ikun jista’ jittieħed kont aħjar tal-katina kollha tal-valur, tal-bijodiversità u tal-funzjonijiet multipli tal-foresti. Huwa importanti li l-Kumitat Forestrarju Permanenti jkun involut fit-tħejjija ta’ politiki relatati mal-foresti, inklużi dawk li huma relatati indirettament;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk il-ġestjoni attwali ta’ kwistjonijiet forestali u l-approċċ lejn tali kwistjonijiet, kif ukoll ir-riżorsi fl-UE, humiex adegwati u aġġornati, il-grad tal-impatt reali ta’ dawn ir-riżorsi fuq il-katina tal-valur għandu jiġi eżaminat ukoll. Dan huwa minħabba l-importanza li dejjem qed tikber tal-foresti, kemm fil-kuntest tal-politiki sostenibbli globali kif ukoll għall-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom;

4.

Jemmen li l-Kummissjoni għandha tippreżenta strateġija ġdida u aġġornata għall-foresti għall-perjodu ta’ wara l-2020, bi rwol ta’ gwida ħafna aktar b’saħħtu, fejn il-foresta kultivata tiġi kkunsidrata bħala kategorija distinta u l-ħtieġa tar-riforestazzjoni taż-żoni f’riskju ta’ deżertifikazzjoni tiġi definita bħala strateġika, fid-dawl tar-rwol ambjentali ċar assenjat lis-settur tal-foresti. Dan jista’ jirrikjedi, fost affarijiet oħra, li ssir valutazzjoni mill-ġdid dwar il-mod kif jiġi allokat il-baġit u l-effetti tiegħu;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-esperti, l-istituti ta’ riċerka u l-organizzazzjonijiet tal-forestrija jkunu rappreżentati biżżejjed fil-proċess tat-tħejjija tal-istrateġija msemmija hawn fuq, sabiex jinkisbu l-eżiti mixtieqa u biex dan il-proċess ikun inklużiv;

6.

Bil-għan li tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Foresti, il-Kumitat jippreżenta l-fehmiet li ġejjin dwar dawk il-prijoritajiet fir-rapport tal-Kummissjoni li jikkonċernaw b’mod partikolari l-mandat tal-KtR:

7.   Il-finanzi u l-amministrazzjoni

7.1.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtiġilhom ikunu involuti mill-qrib fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri tas-settur tal-foresti mmexxija u ffinanzjati mill-UE. Is-sidien tal-foresti u dawk responsabbli għall-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-foresti, inklużi l-muniċipalitajiet u l-gvernijiet reġjonali, għandhom rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-użu sostenibbli tal-foresti u fl-impenn inekwivoku tagħhom fir-rigward tal-popolazzjoni u l-ekonomija rurali.

7.2.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkollhom rwol fit-tisħiħ tal-konsistenza u l-effikaċja tal-miżuri tas-settur tal-foresti u jaġixxu bħala ħolqa, f’kuntest fejn is-sjieda privata tal-foresti qed tiġi abbandunata u qed issir frammentata u mqassma f’kompartimenti f’bosta Stati Membri b’riżultat ta’ bidliet strutturali fis-soċjetajiet. Il-promozzjoni ta’ forom konġunti ta’ raggruppament u ta’ assoċjazzjonijiet tal-foresti kif ukoll l-iżvilupp tar-rwol tal-forestier proattiv jistgħu jkunu miżuri potenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jikkunsidraw. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtiġilhom għalhekk jappoġġjaw il-kooperazzjoni fis-settur tal-foresti; l-appoġġ pubbliku għandu jkopri studji dwar il-fattibbiltà, l-avvenimenti reġjonali u l-attivitajiet ta’ promozzjoni sabiex jiġu sfruttrati d-diversi beni u servizzi tal-ekosistema li joffri dan is-settur.

7.3.

Is-settur tal-foresti jeħtieġ finanzjament adegwat permezz tal-PAK, speċjalment il-finanzjament għall-iżvilupp rurali, peress li dawn il-fondi ntużaw minn bosta atturi reġjonali u lokali biex isaħħu l-forestrija fir-reġjuni tagħhom u biex jagħtu spinta lill-użu sostenibbli. Hekk kif il l-PAK issir aktar flessibbli fil-livell nazzjonali, is-settur tal-foresti jista’ jkollu rwol ħafna akbar fil-miżuri ta’ żvilupp rurali f’bosta reġjuni; min-naħa l-oħra, ir-rwol tiegħu jista’ jonqos. Dan huwa importanti għall-impjiegi rurali, l-ekonomiji reġjonali u l-iżvilupp sostenibbli. Għalhekk, dan huwa mument opportun biex jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-miżuri tal-forestrija bħala parti mill-fondi għall-iżvilupp rurali fil-PAK. Sabiex il-programmi nazzjonali tal-PAK ikollhom impatt klimatiku u ambjentali, jeħtieġ li jkun hemm kontribut mill-awtoritajiet reġjonali u lokali u kooperazzjoni bejn il-livelli differenti ta’ governanza. L-għażliet ta’ finanzjament għas-settur tal-forestrija għandhom ikunu ppubbliċizzati wkoll f’kull livell governattiv sabiex ikunu jistgħu jintużaw bis-sħiħ u b’mod xieraq.

7.4.

Il-KtR jirrimarka li ħafna Stati Membri Ewropej għandhom netwerk tat-toroq forestali fqir ħafna u jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi ffinanzjat studju Ewropew dwar l-evalwazzjoni tan-netwerk tat-toroq forestali.

7.5.

Is-settur tal-foresti joffri wkoll potenzjal konsiderevoli biex jintużaw il-fondi taħt il-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE, flimkien ma’ għodod preċedenti relatati prinċipalment mal-PAK; minbarra l-PAK, is-settur tal-foresti jrid ikun jista’ jagħmel użu minn riżorsi speċifiċi fl-ambitu tal-Programmi Orizzont, LIFE +, Erasmus+ u tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta’ Solidarjetà.

8.   L-ekonomiji lokali u reġjonali, l-ekonomija ekoloġika, l-impjiegi

8.1.

Il-foresti għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fl-iżvilupp tal-bijoekonomija u l-bijodiversità tal-Ewropa u tar-reġjuni tagħha, u fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Il-gvernijiet lokali u reġjonali jistgħu jikkontribwixxu, fost affarijiet oħra, għall-pjani reġjonali ta’ żvilupp sostenibbli, l-istrateġiji dwar il-bijoekonomija, l-edukazzjoni, il-kostruzzjoni ekoloġikament sostenibbli, is-sekwestru tal-karbonju fi prodotti tal-injam b’durata twila, l-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-promozzjoni tal-intraprenditorija tal-SMEs fis-settur tal-foresti. Fejn dan ikun xieraq, għandhom jiġu stabbiliti gruppi ta’ kooperazzjoni reġjonali fis-settur tal-foresti, li jinkludu – flimkien mal-intrapriżi tal-foresti, is-sidien tal-foresti u l-gvernijiet reġjonali u lokali – muniċipalitajiet, awtoritajiet reġjonali, akkademji reġjonali, universitajiet u NGOs, kif ukoll negozji privati f’setturi li jużaw materja prima u prodotti bbażati fuq il-foresti.

8.2.

Bosta reġjuni rurali tal-Ewropa jsofru minn depopolazzjoni u telf ta’ impjiegi. Bidla lejn prodotti bbażati fuq il-foresti, pereżempju fil-kostruzzjoni u fil-produzzjoni tal-enerġija, tiġġenera wkoll impjiegi u dħul mit-taxxa għal reġjuni skarsament popolati. L-istess jgħodd għall-ekonomija ekoloġika usa’, fejn il-foresti huma wkoll assi importanti għat-turiżmu, il-bijodiversità, ir-rikreazzjoni u l-benesseri taċ-ċittadini. Bħala t-tielet l-akbar impjegatur tal-UE (b’aktar minn 3,5 miljun impjieg), is-settur tal-forestrija għandu effett sinifikanti fuq il-konverġenza territorjali u soċjali tal-Ewropa. L-Istrateġija għall-Foresti jeħtiġilha tippermetti wkoll l-iżvilupp tal-prodotti u s-servizzi kollha tal-ekosistema bbażati fuq il-foresti, sabiex jingħata bidu ġdid lill-ekonomija u tiġi appoġġjata.

8.3.

Żieda prevedibbli fid-domanda għall-injam u l-bijomassa trid tkun akkumpanjata minn ġestjoni sostenibbli tal-foresti, li tista’ tiġi ċertifikata mill-amministrazzjoni tal-forestrija fil-foresti pubbliċi u minn mekkaniżmi privati ta’ ċertifikazzjoni fil-foresti privati.

8.4.

Livelli amministrattivi differenti għandhom jaħdmu flimkien: prattiki tajba u riżultati fil-livell reġjonali għandhom jinfluwenzaw kif l-UE u l-Istati Membri jallokaw il-finanzjament għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u t-teknoloġija fis-settur tal-foresti, u biex jikkollegaw il-modalitajiet differenti kif għandhom jiġu sfruttati l-foresti. Dan jista’ joħloq ukoll għodod finanzjarji fattibbli u aktar aċċessibbli għar-reġjuni sabiex jiġi żviluppat is-settur tal-foresti. Hemm bżonn ta’ miżuri ġodda u mmirati tajjeb fis-settur tal-foresti sabiex jintlaħaq l-għan ta’ Ewropa newtrali fil-karbonju sal-2050. Il-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jvarjaw bejn l-Istati Membri, iżda kullimkien għandu jiġi mfittex approċċ strateġiku komprensiv u konsistenti li jlaqqa’ flimkien l-għanijiet u l-ħtiġijiet komuni ta’ livelli differenti fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jinkludu l-infrastruttura, is-sistemi ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, kif ukoll il-kompiti tal-awtoritajiet bħall-ħruġ ta’ permessi u sorveljanza. L-Istati Membri u s-setturi kollha tal-ekonomija għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 filwaqt li jsibu bilanċ bejn kunsiderazzjonijiet ta’ ġustizzja u ta’ solidarjetà.

8.5.

Iqis li komunikazzjoni aħjar dwar l-importanza tal-ġestjoni sostenibbli taż-żoni forestali, kif ukoll il-possibbiltà li jiġu estiżi, implimentati u kkoordinati kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-multifunzjonalità tal-foresti u l-benefiċċji multipli li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandha minn perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali, hija neċessità kondiviża mil-livelli istituzzjonali kollha fl-UE;

9.   Il-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, is-saħħa tal-foresti

9.1.

Il-KtR jenfasizza l-importanza kruċjali li tiġi promossa l-ġestjoni tajba tal-foresti u li jiġu integrati l-politiki dwar l-agrikoltura u l-forestrija mal-politiki idroġeoloġiċi u ta’ ġestjoni tar-riskju għall-klima.

9.2.

Il-KtR jieħu nota tal-osservazzjoni tal-Kummissjoni li, fir-rigward tal-bijodiversità, ma ntlaħaqx il-progress mixtieq, minkejja sforzi maġġuri biex jiġu ppreservati tipi differenti ta’ foresti u ħabitats, inkluż permezz tan-netwerk Natura 2000 u d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi valutazzjoni aktar dettaljata ta’ fejn inkisbu r-riżultati, liema strumenti se jkunu meħtieġa biex jinkisbu żviluppi pożittivi u jekk il-miżuri ġewx ibbilanċjati f’termini ta’ prevalenza u rarità ta’ ħabitats tal-foresti madwar l-UE kollha, b’enfasi speċjali fuq reġjuni fejn l-ikbar rikkezza ta’ speċijiet hija kkonċentrata, kif inhu l-każ fir-reġjuni l-aktar imbiegħda. Għandhom jingħataw fondi għar-riċerka dwar il-valutazzjoni fuq skala estensiva dwar l-istat tal-foresti u s-servizzi tal-ekosistema tagħhom speċjalment fl-Istati Membri l-ġodda. Dan kollu għandu jsir bil-għan li jiġi ppreservat u kkonsolidat il-patrimonju naturali ta’ valur ambjentali għoli bit-tisħiħ tan-netwerks ekoloġiċi eżistenti.

9.3.

Il-foresti għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz tas-sekwestru, il-ħażna u s-sostituzzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2. L-impatti tal-klima jridu jsiru tema trasversali tal-forestrija sostenibbli, fejn il-possibbiltajiet tal-foresti jitqiesu b’mod komprensiv: kif il-materjali tal-kostruzzjoni bbażati fuq il-fossili u l-fjuwils fossili u l-prodotti relatati tagħhom jistgħu jiġu sostitwiti; kif il-ġestjoni tal-foresti taffettwa s-sekwestru tal-karbonju; u konsegwentement, kif is-sidien li jużaw prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti jiġu mħeġġa/ikkumpensati meta mqabbla ma’ dawk li ma jagħmlux hekk; x’theddid jirrappreżenta t-tibdil fil-klima għall-foresti; kif jista’ jiġi żgurat il-potenzjal għat-tkabbir ta’ speċijiet ta’ siġar indiġeni u sa liema punt jistgħu jintużaw b’mod kumpensatorju l-ispeċijiet ta’ siġar mhux indiġeni, eċċ.

9.4.

Il-KtR jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinvolvi bis-sħiħ lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESR) (2) u r-Regolament dwar l-LULUCF (3), filwaqt li tistabbilixxi miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 u tiżviluppa inizjattivi konkreti biex dawn jintlaħqu.

9.5.

It-tibdil fil-klima u t-telf tad-diversità tal-foresti jista’ jesponi żoni kbar ta’ foresti għall-ħsara relatata man-nar, mal-maltemp, mal-mard u mal-pesti. Minħabba dawn l-eventwalitajiet, id-deċiżjonijiet amministrattivi jridu dejjem jiżnu r-riskji alternattivi jekk ma titteħidx azzjoni. Għandhom isiru tħejjijiet għal eventwalitajiet bħal dawn billi l-leġislazzjoni tinżamm aġġornata sabiex tappoġġja l-ippjanar tal-foresti u tipprevjeni tali ħsara, u permezz ta’ finanzjament li jista’ jiġi allokat għall-prevenzjoni tal-ħsara, għall-ġestjoni ta’ emerġenzi u ta’ żoni devastati, għall-promozzjoni tar-restawr u r-riforestazzjoni, u għat-tpaċija tal-problemi ekonomiċi li jiffaċċjaw reġjuni kbar milquta minn diżastri. F’dan ir-rigward, hemm il-ħtieġa li fuq livell reġjonali tiġi ffinanzjata mappa tal-perikli minn riskji potenzjali. Il-forestrija attiva tista’ tkun għodda utli ta’ natura preventiva u identifikazzjoni bikrija fit-titjib tal-istatus tas-saħħa tal-foresti;

9.6.

Il-kapital naturali u s-servizzi tal-ekosistemi tal-foresti għas-soċjetà għandhom jiġu spjegati aħjar lis-soċjetà, u fejn possibbli għandhom jissaħħu r-rabtiet bejn il-komunitajiet lokali u l-foresti li huma jew mhumiex proprjetà ta’ sidien.

9.7.

Jenfasizza l-importanza primarja ta’ azzjonijiet minn isfel għal fuq fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, kif ukoll strumenti tal-UE li jikkomplementawhom f’każ li diżastru jkun barra mill-kapaċitajiet ta’ Stat Membru. Il-lista ta’ strumenti tal-UE li huma partikolarment ta’ għajnuna biex jiġu indirizzati l-maltempati u n-nirien fil-foresti tinkludi l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE u l-proġetti pilota ffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea li għandhom l-għan li jneħħu l-ostakli amministrattivi u legali għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri f’żoni transfruntiera;

9.8.

Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti huwa meħtieġ b’mod urġenti, f’konformità mat-talba mill-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati ewlenin, sabiex jiġi vvalutat aktar l-impatt ambjentali tal-konsum ta’ prodotti u materja prima fl-UE bħala fattur li x’aktarx jikkontribwixxi għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti barra l-UE. Għalhekk, il-KtR jappella lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida biex tinkludi din it-talba fost il-prijoritajiet politiċi tagħha.

10.   Kooperazzjoni internazzjonali u interreġjonali fis-settur tal-foresti

10.1.

Huwa importanti li l-UE tkompli l-ħidma tagħha biex tiżgura li jkun hemm kooperazzjoni u bażi għal ftehim – kemm madwar l-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja – dwar is-settur tal-foresti u l-kummerċ fi prodotti tal-foresti, u tikkonsolida l-prinċipji tal-forestrija sostenibbli fil-viċinat tagħha, fir-relazzjonijiet ekonomiċi esterni tagħha u fil-politika ta’ żvilupp tagħha. Forest Europe, iċ-ċertifikazzjoni forestali, il-pjan strateġiku tan-NU għall-foresti għall-2030, u l-objettivi globali dwar il-foresti huma eżempji ta’ oqsma possibbli ta’ influwenza.

10.2.

Ħafna miż-żoni ta’ foresti importanti fl-UE huma limitati għall-fruntieri esterni tagħha, filwaqt li tipi ta’ foresti, l-ekonomija bbażata fuq il-foresti u t-theddid għall-foresti ta’ spiss imorru lil hinn minn dawn il-fruntieri. Huwa importanti li l-awtoritajiet reġjonali u lokali fir-reġjuni tal-fruntieri jkunu jistgħu jagħmlu użu aktar effikaċi mill-programmi ta’ relazzjonijiet esterni tal-UE fis-settur tal-foresti.

10.3.

Ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtiġilhom jinżammu involuti mill-qrib fit-tħejjija, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-impenji internazzjonali tal-UE fis-settur tal-foresti, u jridu jiġu stabbiliti proċeduri permanenti sabiex dan l-objettiv jintlaħaq fil-prattika.

10.4.

Ikun kruċjali li titrawwem il-kooperazzjoni nazzjonali u reġjonali fl-UE biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-ħiliet u tissaħħaħ il-kompetittività tar-reġjuni. In-netwerks imsaħħa jgħinu wkoll ir-rieda biex jingħata appoġġ biex jiġu indirizzati d-disturbi naturali bħal nirien fil-foresti, tempesti, nixfiet u għargħar.

11.   Edukazzjoni u komunikazzjoni

11.1.

Hemm bżonn li tiġi promossa d-domanda soċjali, peress li din tiġġustifika u ssostni r-rwol attiv li għandhom il-foresti fir-rigward tal-isfidi klimatiċi u ekonomiċi li qed inħabbtu wiċċna magħhom.

11.2.

Dan jista’ jinkiseb biss permezz ta’ sforz mingħajr preċedent ta’ komunikazzjoni u edukazzjoni dwar ir-rwol tas-settur tal-foresti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u fit-tranżizzjoni lejn bijoekonomija bbażata fuq riżorsi naturali, permezz ta’ kampanji mhux biss fil-livell nazzjonali u internazzjonali, iżda wkoll fil-livell lokali u reġjonali, peress li dan huwa l-eqreb taċ-ċittadini.

11.3.

Il-miżuri ta’ komunikazzjoni u edukazzjoni għandu jkollhom l-għan ewlieni li jegħlbu żewġ ostakli konjittivi eżistenti: il-bidla tal-perċezzjoni negattiva fir-rigward tal-isfruttar tal-injam għar-rikonoxximent tal-forestrija bħala sistema ta’ ġestjoni sostenibbli li hija bbażata fuq ix-xjenza, u r-rikonċiljazzjoni tal-oppożizzjoni bejn il-konservazzjoni u l-ġestjoni billi jiġi applikat il-kunċett ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jista’ jagħmilhom kompatibbli.

11.4.

Il-parteċipazzjoni ta’ professjonisti tal-forestrija li għandhom għarfien kemm dwar il-forestrija kif ukoll dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti jeħtiġilhom ikunu parti mit-timijiet ta’ komunikazzjoni u edukazzjoni.

Brussell, il-11 ta’ April 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti (ĠU C 361, 5.10.2018, p. 5).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1). https://unfccc.int/topics/land-use/workstreams/land-use–land-use-change-and-forestry-lulucf.