ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 240

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 62
16 ta' Lulju 2019


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

2019/C 240/01

Riżoluzzjoni dwar Ejja noħorġu nivvutaw għal Ewropa magħquda

1

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

2019/C 240/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri  (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

3

 

OPINJONIJIET

2019/C 240/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tibdil ekonomiku, teknoloġiku u soċjali tas-servizzi avvanzati tas-saħħa għall-anzjani  (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

10

2019/C 240/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ix-xogħol bl-asbestos fir-rinnovazzjoni tal-enerġija  (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

15

2019/C 240/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-kontribut tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għal Ewropa aktar koeżiva u demokratika   (opinjoni esploratorja fuq talba mill-Presidenza Rumena)

20

2019/C 240/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-filantropija Ewropea: potenzjal mhux sfruttat  (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Rumena)

24


 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

2019/C 240/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar miżuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT  (COM (2018) 813 final — 2018/0413 (CNS))

29

2019/C 240/08

Opinjoni tas-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-introduzzjoni ta’ ċerti rekwiżiti għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagament  (COM(2018) 812 final — 2018/0412 (CNS)) u dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ bejgħ b’distanza ta’ merkanzija u ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija  (COM(2018) 819 final — 2018/0415(CNS))

33

2019/C 240/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: Tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent(COM(2018) 673 final)

37

2019/C 240/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 biex titqies b’mod xieraq is-sistema globali tal-ġbir tad-data għad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti  (COM (2019) 38 final — 2019/0017(COD))

41

2019/C 240/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Is-Suq Uniku f’dinja li qiegħda tinbidel — Assi uniku li jeħtieġ impenn politiku mġedded  (COM(2018) 772 final)

44

2019/C 240/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-intelliġenza artifiċjali għall-Ewropa  (COM(2018) 795 final)

51


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/1


Riżoluzzjoni dwar “Ejja noħorġu nivvutaw għal Ewropa magħquda”

(2019/C 240/01)

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta’ Mejju 2019 (laqgħa tal-15 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta r-riżoluzzjoni li ġejja b’226 vot favur, 4 voti kontra u 12-il astensjoni.

Ejja noħorġu nivvutaw għal Ewropa magħquda

Lejlet l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u filwaqt li titqies id-Dikjarazzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa maqbula mill-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE27 f’Sibiu (ir-Rumanija) fid-9 ta’ Mejju 2019, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jistieden liċ-ċittadini tal-UE biex jużaw id-dritt tagħhom li jivvutaw.

L-UE hija bbażata fuq valuri komuni – id-demokrazija, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni, l-istat tad-dritt, it-tolleranza, il-ġustizzja, l-ugwaljanza, is-solidarjetà u l-parteċipazzjoni demokratika. Jeħtieġ li dawn il-valuri jiġu difiżi u protetti b’mod kontinwu peress li jagħmluha possibbli għall-Ewropej li jgħixu f’soċjetà miftuħa fejn kull ċittadin jiġi rispettat u fejn, minbarra l-identità nazzjonali tagħna, tgħaqqadna lkoll flimkien identità Ewropea.

Illum il-ġurnata qed niffaċċjaw sfidi komuni u kumplessi:

it-tibdil fil-klima;

inugwaljanzi soċjali, ekonomiċi u territorjali;

il-faqar;

il-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ;

spazju ċiviku li qed jiċkien;

il-migrazzjoni;

is-sigurtà u t-terroriżmu; u

il-korruzzjoni.

In-nazzjonaliżmu mhuwiex it-tweġiba.

Huwa biss permezz ta’ Ewropa magħquda li nistgħu nagħmlu progress reali dwar dawn il-kwistjonijiet.

Aħna favur Ewropa li tqiegħed il-ħtiġijiet taċ-ċittadini tagħha fil-qalba tal-politiki u l-azzjonijiet tagħha u li tiżgura li l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali jiġu indirizzati flimkien b’mod sostenibbli; Ewropa li tiggarantixxi l-kwalità tal-ħajja u l-impjieg, ambjent favorevoli għall-investiment u l-intraprenditorija, kif ukoll aktar koeżjoni ekonomika u soċjali.

Aħna nappoġġjaw ukoll Ewropa li tipprovdi opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jissodisfaw il-potenzjal tagħhom, u li tippromovi l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-proċessi politiċi Ewropej.

Aħna, bħala rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, qegħdin naħdmu flimkien għal UE li tagħti riżultati konkreti u li tissodisfa b’mod aktar effettiv l-aspettattivi u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini tagħha.

Inħeġġu liċ-ċittadini fl-Ewropa kollha joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin. Nappellaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jingħaqdu fl-isforzi tagħna biex nimmobilizzaw lill-eletturi jivvutaw b’mod pożittiv għal Ewropa magħquda.

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/3


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 240/02)

Relatur: Indrė VAREIKYTĖ

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.9.2018

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

24.4.2019

Adottata fil-plenarja

15.5.2019

Sessjoni plenarja Nru

543

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

200/4/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat jemmen li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija kwistjoni tas-soċjetà u li hija biss soċjetà li tħaddan l-ugwaljanza bejn il-ġeneri li tista’ tkun ekonomikament u soċjalment b’saħħitha. Għalhekk huwa obbligu ekonomiku u soċjali li n-nisa u l-irġiel jiġu trattati b’mod ugwali u jingħataw opportunitajiet indaqs.

1.2.

Filwaqt li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija għan ewlieni tal-UE, il-KESE jiddispjaċih li din se tieħu aktar minn 100 sena biex tinkiseb bir-rata attwali, speċjalment jekk il-progress jiġi ostakolat aktar b’reazzjoni negattiva fil-parti l-kbira tal-oqsma kruċjali tal-iżvilupp u tnaqqis ġenerali fir-ritmu tat-tkabbir ekonomiku.

1.3.

Il-Kumitat jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħmlu kull sforz biex jiksbu l-SDG 5 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri sal-2030. Għalhekk, huwa jitlob li jkun hemm strateġija tal-UE integrata u ambizzjuża ta’ ħames snin fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri (1), li tkopri t-terminu li jmiss tal-Kummissjoni u tal-PE, u impenn qawwi favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mill-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u s-settur privat biex jindirizzaw b’mod olistiku l-aspetti kollha tal-ugwaljanza b’mod effettiv fl-istess ħin u b’miżuri ta’ impatt ugwali.

1.4.

Il-KESE jitlob li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tibqa’ għan awtonomu fl-oqfsa finanzjarji futuri, b’impenn ċar lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-inklużjoni ta’ indikaturi tal-ġeneri, valutazzjoni tal-impatt tal-ġeneri u bbaġitjar tal-ġeneri fil-programmi u l-oqsma ta’ politika kollha. Id-dimensjoni tal-ġeneru għandha tiġi integrata wkoll fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

1.5.

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tniedi pakkett dwar is-servizzi ta’ kura ħalli tingħata spinta lill-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u biex tirrevedi l-miri ta’ Barċellona dwar il-kura tat-tfal.

1.6.

Il-KESE jikkundanna l-forom kollha ta’ vjolenza fuq in-nisa u jħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta’ Istanbul biex iqisu mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni żżid il-fastidju u l-fastidju morali online fil-konfront tan-nisa mad-definizzjoni ta’ diskors ta’ mibegħda illegali. Għandhom jiġu stabbiliti indikaturi fl-UE kollha għall-ġbir ta’ data komparabbli dwar il-vjolenza kontra n-nisa, peress li dan jgħin fl-iżvilupp ta’ miżuri effettivi ta’ politika.

1.7.

Il-Kumitat jinnota li d-diskussjoni dwar id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet tibqa’ fuq l-aġenda tal-Presidenza Rumena tal-Kunsill tal-UE bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Huwa jistieden lill-Kunsill ikompli bl-isforzi tiegħu u jipproċedi bid-diskussjoni fir-rigward tad-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet. Il-Kumitat jappella wkoll li l-industrija tassumi rwol ewlieni u żżid il-parteċipazzjoni tan-nisa f’pożizzjonijiet għoljin tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

1.8.

Il-KESE jappella li għandhom jittieħdu miżuri effettivi biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol, speċjalment miżuri biex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, kif ukoll biex tiġi indirizzata s-segregazzjoni tal-ġeneri orizzontali u vertikali fl-okkupazzjonijiet.

1.9.

Il-KESE jipproponi li jiġi stabbilit fond legali ta’ emerġenza fil-livell tal-UE, li jipprovdi appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jikkontestaw il-leġislazzjoni nazzjonali jew lokali li tikser id-drittijiet tan-nisa fil-qrati.

1.10.

Il-Kumitat jirrikonoxxi r-rwol li jaqdu l-midja, ir-reklamar u l-mudelli eżemplari pubbliċi fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u jappella sabiex jittieħdu miżuri ħalli jkun żgurat li r-reklamar iħalli impatt pożittiv, pjuttost milli negattiv, fir-rigward tar-rappreżentanza u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-soċjetà.

1.11.

Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet pubbliċi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili madwar l-UE biex jippromovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bil-politiki u l-azzjonijiet esterni tagħhom u jintroduċu miżuri interni eżemplari, bħall-promozzjoni tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki u l-proċessi kollha tagħhom.

1.12.

Filwaqt li jirreferi għall-Artikolu 300(5) tat-TFUE, il-Kumitat jistieden lill-Kunsill jirrevedi l-linji gwida tiegħu għall-ħatra tal-membri tal-KESE u jirrakkomanda li l-Istati Membri jressqu membri fuq bażi ta’ parità bejn il-ġeneri. Il-Kumitat se jagħmel ħiltu biex jiżgura l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-operazzjonijiet tiegħu, jintegra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċessi ta’ ħidma kollha tiegħu u jistabbilixxi grupp ta’ segwitu sabiex ifassal linji gwida adegwati.

2.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

2.1.

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valur u għan fundamentali tal-Unjoni Ewropea, imnaqqxa fit-trattati Ewropej u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u aktar reċentement ġiet affermata mill-ġdid fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Minbarra l-qafas leġislattiv u ta’ politika tagħha biex tikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-UE tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, kif ukoll il-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-eżiti tal-konferenzi ta’ reviżjoni tagħhom.

2.2.

Filwaqt li hemm bosta inizjattivi pożittivi fi ħdan l-Ewropa biex jiġu indirizzati diversi aspetti tal-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, l-ixpruni għall-ugwaljanza vera, speċjalment fi ħdan l-Istati Membri u r-reġjuni, huma kumplessi u multidimensjonali. Minkejja l-progress ġenerali li sar, il-KESE jiddispjaċih li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE se tieħu aktar minn 100 sena biex tinkiseb bir-rata attwali. Il-KESE appella għal strateġija globali għas-sostenibbiltà fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jagħmlu kull sforz biex jiksbu l-SDG 5 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri sal-2030.

2.3.

Il-KESE huwa mħasseb ukoll dwar il-fatt li l-progress futur dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jista’ jiġi mxekkel mir-reazzjoni negattiva f’xi Stati Membri fl-oqsma tat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa (impjieg, bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, drittijiet soċjali, kura), edukazzjoni, drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva, vjolenza fuq in-nisa, l-NGOs tan-nisa u l-oqsma ewlenin tal-qafas istituzzjonali u tal-politika fi ħdan l-UE u l-Istati Membri tagħha.

2.4.

Barra minn hekk, huwa previst tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku ta’ għadd ta’ pajjiżi Ewropej, u għalhekk hemm riskju li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tista’ taqa’ aktar lura fl-aġenda tal-Istati Membri u l-kumpaniji b’konsegwenza ta’ dan. Huwa importanti li l-effetti tal-ġeneru tal-politiki makroekonomiċi jiġu vvalutati bis-sħiħ u jitqiesu fit-tfassil ta’ politiki fiskali u ta’ protezzjoni soċjali u ta’ politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, fost l-oħrajn, sabiex jiġi evitat li l-inugwaljanzi eżistenti tal-ġeneru jiġu aggravati aktar.

2.5.

Il-Kumitat jemmen li sabiex l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri titmexxa ’l quddiem u tiġi żgurata, din tirrikjedi strateġija ġdida tal-UE ta’ ħames snin dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li tinfirex fuq il-mandat tal-Kummissjoni u l-PE li jmiss, u impenn imġedded lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mill-gvernijiet, mis-soċjetà ċivili, mis-settur privat u mill-istituzzjonijiet Ewropej. Din mhijiex meħtieġa biss biex tiġi żgurata soċjetà ġusta u ugwali, iżda hija wkoll l-aħjar rispons kollettiv biex jiġu miġġielda l-movimenti populisti diskriminatorji u misoġinistiċi li attwalment qegħdin jisfidaw is-soċjetajiet demokratiċi.

2.6.

F’dan ir-rigward, l-opinjoni pubblika tappoġġja l-fehma tal-KESE, peress li l-maġġoranza tal-Ewropej taħseb li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija kruċjali għal soċjetà ġusta u demokratika (91 %), għall-ekonomija (87 %) u għalihom personalment (84 %). Barra minn hekk, il-proporzjon ta’ ċittadini tal-UE li jixtiequ li l-UE tintervjeni aktar f’dan il-qasam ta’ politika żdied b’10 % (minn 55 % għal 65 %) f’sentejn biss (2016-2018).

2.7.

F’dan id-dawl, il-Kumitat jiddispjaċih li l-finanzjament globali tal-UE li ġie allokat għal miżuri tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-perjodu 2014-2020 huwa biss EUR 6,17 biljun, jew madwar 0,6 % tal-approprjazzjonijiet globali. Il-KESE jitlob li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tibqa’ għan awtonomu fl-oqfsa finanzjarji futuri, li għandhom juru wkoll impenn ċar lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri u jinkludu indikaturi tal-ġeneri, valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri u bbaġitjar għal kwistjonijiet ta’ ġeneru kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali. L-attenzjoni lejn l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti ta’ fondi speċifiċi għal miżuri tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tkun preżenti mhux biss fi programmi li jindirizzaw kwistjonijiet tal-impjieg u l-inklużjoni soċjali jew drittijiet tal-bniedem fundamentali (eż. il-fondi FSE, REC, AMIF, EaSI), iżda wkoll fl-oqsma ta’ politika li ma jidhrux immedjatament bħala relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri iżda li jista’ jkollhom effetti konsiderevoli fuq il-ġeneri bħall-ICT, it-trasport, l-iżvilupp urban u rurali, in-negozju, l-appoġġ għall-investiment, l-iżvilupp sostenibbli u l-politiki ambjentali. Id-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ivvalutata abbażi tal-indiċi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha ssir parti integrali mill-proċess tas-semestru tal-UE, inklużi rapporti tal-pajjiżi u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

2.8.

Fid-dawl taż-żieda reċenti fl-iskoperturi #MeToo, il-Kumitat ifaħħar lill-Ombudsman Ewropew talli rrakkomanda Kodiċi ta’ Kondotta aktar b’saħħtu fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u jemmen li dan għandu jiġi adattat u adottat malajr mill-istituzzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri.

2.9.

Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex mhux biss jippromovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz tal-politiki u l-azzjonijiet esterni tagħhom, iżda wkoll biex jintroduċu miżuri interni eżemplari, bħal li jippromovu lin-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u jintegraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki u l-proċessi kollha tagħhom, li attwalment huma limitati, iżda jistgħu jistabbilixxu eżempju pożittiv b’saħħtu għall-istituzzjonijiet pubbliċi u n-negozji tal-madwar u jkomplu d-djalogu dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tas-soċjetà Ewropea.

3.   L-ekonomija

3.1.

L-aċċess ugwali għar-riżorsi ekonomiċi mhuwiex biss kwistjoni ta’ indipendenza ekonomika tan-nisa iżda prerekwiżit għall-ilħuq tal-għanijiet tal-UE dwar it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-impjiegi ta’ kwalità, il-koeżjoni soċjali, il-prosperità u l-kompetittività. It-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol huwa kruċjali għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u għall-PDG b’mod aktar ġenerali, biex jiġi żgurat li l-UE tagħmel użu sħiħ mit-talent disponibbli.

3.2.

Fis-suq tax-xogħol, in-nisa Ewropej għadhom qed jiffaċċjaw inugwaljanzi persistenti bejn il-ġeneri, segregazzjoni u differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, li waħedhom huma stmati li jiswew lill-UE EUR 240 biljun fil-PDG sal-2030 u għandhom kemm effett immedjat fuq il-paga li jaqilgħu n-nisa kif ukoll effett fit-tul fuq l-intitolamenti tas-sigurtà soċjali u tal-pensjoni tagħhom. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/54/KE li timplimenta l-prinċipju tat-Trattat dwar “paga ugwali”bil-għan li jiġi żgurat infurzar aħjar fil-prattika tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali.

3.3.

Filwaqt li ħinijiet tax-xogħol imnaqqsa jistgħu jkunu għażla, aktar minn kwart tal-popolazzjoni tal-Ewropa tinsab f’impjieg part-time b’mod involontarju. Hemm preżenza qawwija ta’ nisa f’impjiegi part-time u l-għażla tagħhom tax-xogħol part-time ta’ spiss hija influwenzata mir-responsabbiltajiet tal-indukrar. Is-sehem ta’ xogħol part-time involontarju naqas biss bi ftit (0,1 %) f’dawn l-aħħar snin. Raġuni waħda għax-xogħol part-time involontarju hija n-nuqqas ta’ infrastruttura ta’ kura xierqa u arranġamenti ta’ xogħol flessibbli li jistgħu joffru opportunitajiet aħjar għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. B’mod ġenerali, in-nisa huma wkoll esposti aktar għall-faqar u possibbiltajiet ta’ karriera limitati. Barra minn hekk, in-nisa li jistabbilixxu n-negozji tagħhom stess fl-UE huma n-nofs tal-irġiel.

3.4.

Il-KESE għalhekk jitlob li għandhom jittieħdu miżuri effettivi biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol, kif ukoll biex tiġi indirizzata s-segregazzjoni tal-ġeneri orizzontali u vertikali fl-okkupazzjonijiet. Il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet għan-nisa biex jiksbu aċċess għal impjieg full-time ta’ kwalità b’arranġamenti ta’ xogħol flessibbli għandu jkun prijorità ewlenija.

3.5.

Il-Kumitat jemmen li l-promozzjoni ta’ politiki tax-xogħol favur il-familja u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-implimentazzjoni ta’ miżuri trasformattivi u mmirati, li jistgħu jibbilanċjaw mill-ġdid id-distribuzzjoni mhux ugwali tal-indukrar u l-kompiti domestiċi bejn in-nisa u l-irġiel, huma essenzjali (2), speċjalment peress li l-kundizzjonijiet ekonomiċi qed ipoġġu pressjoni dejjem akbar fuq il-ħaddiema. Il-monitoraġġ tat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata se jkun essenzjali biex jiġu żgurati riformi ’l fuq lejn liv xieraq bi ħlas u arranġamenti tax-xogħol flessibbli u biex jiġi vvalutat l-impatt tal-miżuri ġodda dwar it-teħid tal-liv tal-ġenituri u tal-paternità mill-missirijiet.

3.6.

Miżuri xierqa, bħall-forniment ta’ servizzi aċċessibbli u affordabbli għall-indukrar tat-tfal u tal-kura fit-tul, kif ukoll miżuri li jippromovu t-teħid tal-liv għall-irġiel, huma kruċjali biex il-ġenituri u l-persuni li jindukraw jitħallew jidħlu, jibqgħu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tniedi pakkett dwar is-servizzi ta’ kura ħalli jagħti spinta lill-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jikkomplementa d-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, li jkun fih taħlita ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika, ta’ finanzjament u ta’ mira; u biex tirrevedi l-miri ta’ Barċellona dwar l-indukrar tat-tfal.

3.7.

In-negozjar kollettiv jista’ jaqdi rwol importanti biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Globali tal-ILO dwar il-Futur tax-Xogħol fir-rigward tal-aġenda trasformattiva għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tiggwida lill-imsieħba soċjali, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE fl-azzjonijiet tagħhom.

4.   L-edukazzjoni u t-taħriġ

4.1.

Minkejja diversi tibdiliet inkuraġġanti fil-kisbiet tal-edukazzjoni tan-nisa u tal-irġiel, għad hemm xejriet ta’ segregazzjoni sterjotipiċi fl-Istati Membri. L-irġiel jibqgħu sottorappreżentati ferm f’setturi assoċjati ma’ rwoli femminili tradizzjonali, bħas-saħħa u s-servizzi soċjali, ix-xjenzi umanistiċi u l-arti jew it-taħriġ tal-għalliema u x-xjenza tal-edukazzjoni, filwaqt li hemm għadd ikbar ta’ rġiel milli nisa fi STEM u ICT fl-Istati Membri kollha. Dan joħloq sfidi addizzjonali għan-nisa, peress li l-ħiliet ta’ STEM, ICT u IA diġà huma kruċjali llum il-ġurnata u se jsiru indispensabbli fil-futur (3).

4.2.

Nisa b’livelli baxxi ta’ ħiliet u kwalifiki jeħtieġu appoġġ addizzjonali biex itejbu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, peress li d-disparità bejn il-ġeneri fl-impjieg hija l-usa’ għal nies mingħajr l-ebda kwalifika jew b’livell baxx ta’ kwalifiki u għal dawk li jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali. Il-miżuri tal-politika li jimmiraw speċifikament gruppi vulnerabbli ta’ nisa, speċjalment dawk li jiffaċċjaw diżabilitajiet (4) u bosta żvantaġġi, jgħinu jżidu l-livelli ta’ ħiliet tagħhom.

4.3.

In-nisa jkomplu jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-edukazzjoni għolja u jaqbżu lill-irġiel fl-għadd f’bosta oqsma tal-edukazzjoni terzjarja. Madankollu, is-segregazzjoni kemm fl-edukazzjoni terzjarja kif ukoll f’dik vokazzjonali għadha tippersisti, li tillimita l-għażliet tal-karriera f’setturi mhux tradizzjonali u l-aċċess għall-istess opportunitajiet ta’ karriera.

4.4.

Għalhekk huwa kruċjali li jkomplu jiġu indirizzati l-istereotipi bbażati fuq il-ġeneri u s-segregazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ billi jiġu appoġġjati kurrikuli sensittivi għall-ġeneri fl-edukazzjoni, il-karriera, il-konsulenza, kampanji tal-midja li jħeġġu lill-ġuvintur u lit-tfajliet, lin-nisa u lill-irġiel biex isegwu karrieri skont il-ħiliet u l-abbiltajiet tagħhom; biex jitrawmu opportunitajiet ta’ karriera u żviluppi kemm għal nisa kif ukoll għal irġiel li jagħżlu setturi mhux tradizzjonali; biex jinħolqu opportunitajiet għan-nisa biex jieħdu vantaġġ mill-kisbiet fl-edukazzjoni għolja tagħhom sal-istess livell tal-irġiel, biex jindirizzaw is-saqaf tal-ħġieġ eżistenti għan-nisa fid-dinja akkademika (5), u biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ appoġġ għal intraprendituri nisa (6), speċjalment f’setturi mhux tradizzjonali. Huwa rrakkomandat ukoll li tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ħiliet b’rabta mal-ugwaljanza tal-uffiċjali pubbliċi u l-professjonisti.

5.   In-nisa u l-faqar

5.1.

In-nisa jinsabu f’riskju akbar ta’ faqar, parzjalment minħabba li għandhom paga fis-siegħa aktar baxxa, preżenza qawwija fost dawk li jaqilgħu paga minima u f’setturi li għandhom livelli aktar baxxi ta’ remunerazzjoni, u huma aktar probabbli li jkunu f’xogħol part-time, arranġamenti ta’ xogħol mhux flessibbli jew li jkollhom aktar assenzi mix-xogħol relatati mar-responsabbiltajiet tal-indukrar. Il-femminilizzazzjoni tal-faqar hija l-konsegwenza ta’ għadd ta’ fatturi, inklużi s-sottovalutazzjoni tax-xogħol tan-nisa u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Id-disparità fl-impjiegi bejn il-ġeneri tikber b’mod sostanzjali ladarba l-familji jkollhom it-tfal, li tirrifletti d-diffikultajiet li n-nisa jiffaċċjaw biex jirrikonċiljaw ir-responsabbiltajiet tat-trobbija u tal-indukrar tat-tfal max-xogħol tagħhom, kif ukoll it-trattament diskriminatorju u inġust li jiffaċċjaw in-nisa tqal jew dawk li jirritornaw mil-liv tal-maternità.

5.2.

Huwa kruċjali li jiġi rikonoxxut li n-nisa mhumiex kategorija omoġenja u li huma meħtieġa miżuri speċifiċi għal nisa li jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew żvantaġġi lil hinn mill-ġeneru, jiġifieri nisa b’diżabilità, nisa ddiskriminati minħabba r-razza, LGBTIQ+, nisa f’żoni rurali, immigranti, rifuġjati jew dawk li jfittxu asil, nisa żgħażagħ u anzjani.

5.3.

Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li jittieħdu miżuri ta’ tisħiħ li jappoġġjaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-attività ekonomika:

l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri f’inizjattivi ta’ żvilupp ekonomiku;

il-promozzjoni tal-ugwaljanza fl-impjiegi u l-kisba ta’ indipendenza ekonomika ugwali u ta’ garanzija finanzjarja;

l-appoġġ ta’ inizjattivi li jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-indipendenza ekonomika tan-nisa biex jitnaqqas il-faqar;

l-indirizzar tal-effetti ta’ karrieri interrotti u tal-mudelli tax-xogħol differenti dwar ir-riskju li n-nisa jidħlu fi stat ta’ faqar matul ħajjithom;

l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ politika li jimmiraw lejn gruppi vulnerabbli speċifiċi ta’ nisa li jinsabu fl-akbar riskju ta’ faqar;

it-tkomplija tar-riformi fir-rigward tal-arranġamenti tal-pensjonijiet nazzjonali billi tiġi integrata d-dimensjoni tal-ġeneri fl-intitolamenti tal-pensjoni (pereżempju billi jiġu integrati ż-żmien tal-liv tal-maternità/tal-paternità u ż-żmien ta’ liv ieħor relatat mal-kura fil-kalkoli tal-pensjonijiet);

l-indirizzar tal-faqar fost it-tfal billi jiġu inklużi l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u approċċ olistiku li jiżviluppa sinerġiji bejn l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u oqsma oħrajn ta’ politika u ma’ strumenti oħrajn ta’ politika u ta’ finanzjament;

ir-rieżami, l-adozzjoni u ż-żamma ta’ politiki makroekonomiċi u strateġiji ta’ żvilupp li jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-isforzi tan-nisa fil-faqar.

6.   Id-drittijiet tal-bniedem

6.1.

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prinċipju fundamentali, li jikkostitwixxi parti integrali tad-drittijiet tal-bniedem u prerekwiżit biex id-drittijiet tal-bniedem isiru applikabbli għal kulħadd u kulħadd ikun jista’ jeżerċitahom.

6.2.

Il-KESE jikkundanna kull forma ta’ vjolenza fuq in-nisa u jħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta’ Istanbul biex iqisu mill-ġdid li jagħmlu dan mingħajr aktar dewmien. Għandhom jiġu stabbiliti indikaturi fl-UE kollha għall-ġbir ta’ data komparabbli dwar il-vjolenza kontra n-nisa, peress li dan jgħin fl-iżvilupp ta’ miżuri effettivi ta’ politika. Għal dan il-għan, l-esperjenza miksuba f’xi pajjiżi tal-UE tista’ tipprovdi indikazzjoni fir-rigward tal-approċċ li għandu jiġi adottat. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni taġġorna r-Rakkomandazzjoni dwar miżuri biex jiġi indirizzat b’mod effettiv il-kontenut illegali online u l-Kodiċi ta’ kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online, li ġie miftiehem mill-KE u minn kumpaniji tal-IT globali, billi żżid il-fastidju u l-fastidju morali online fil-konfront tan-nisa mad-definizzjoni tad-diskors ta’ mibegħda illegali.

6.3.

Il-Kumitat jiddispjaċih ħafna bir-reazzjoni negattiva attwali kontra d-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa fl-Ewropa, b’implikazzjonijiet serji għad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u theddida ġenerali għall-universalità tad-drittijet tal-bniedem. Barra minn hekk, għalkemm ir-retroattivitajiet leġislattivi speċifikament immiraw l-aċċess tan-nisa għal servizzi ta’ abort legali f’xi kuntesti Ewropej (anki meta l-evidenza turi li l-edukazzjoni sesswali komprensiva tista’ tnaqqas tqaliet mhux mixtieqa b’50 %), aspetti oħra tas-saħħa sesswali u riproduttiva u tad-drittijiet tan-nisa ġew affettwati wkoll, eż. rekwiżiti legali biex jinkisbu riċetti mediċi għal kontraċezzjoni ta’ emerġenza. Barra minn hekk, daħlu fis-seħħ serje ta’ liġijiet u politiki retrogressivi b’medda wiesgħa ta’ implikazzjonijiet ta’ ħsara għad-drittijiet tan-nisa, li jinkludu liġijiet li għandhom l-effett li jxekklu l-edukazzjoni sesswali, jipprevjenu t-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, inkluż għal skopijiet ta’ edukazzjoni, jew jiddekriminalizzaw ċerti forom ta’ vjolenza domestika.

6.4.

Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lis-soċjetà ċivili biex jaħdmu flimkien biex jieħdu azzjoni immedjata, b’saħħitha kontra liġijiet bħal dawn. Il-Kumitat jipproponi wkoll li jiġi stabbilit fond legali ta’ emerġenza fil-livell tal-UE, li jipprovdi appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jikkontestaw il-leġislazzjoni li tikser id-drittijiet tan-nisa fil-qrati.

6.5.

Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-indirizzar tal-ostakoli li n-nisa u, speċifikament, il-vittmi tal-vjolenza jiffaċċjaw meta jitolbu rimedju meta jkunu nkisru d-drittijiet tagħhom, u l-iżgurar ta’ aċċess ugwali għal ġustizzja għan-nisa kollha, billi jitneħħew l-ostakoli ekonomiċi, kulturali u istituzzjonali (tal-ġeneri) bħala prekundizzjoni meħtieġa għad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa. Barra minn hekk, il-Kumitat jiddispjaċih dwar il-fatt li għad m’hemmx indikaturi biex jiġi vvalutat il-progress tal-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa; u li b’mod ġenerali huwa aktar probabbli li l-irġiel jiffaċċjaw sentenzi mhux oġġettivi u jiġu mċaħħda mid-drittijiet tal-ġenituri u mid-drittijiet għall-aċċess.

7.   In-nisa fil-poter u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet

7.1.

Minkejja l-progress li sar fis-snin reċenti, is-sottorappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi għadha sfida għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Fil-livelli kollha tal-gvern, in-nisa jokkupaw biss terz tal-pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u biss kwart tal-pożizzjonijiet ministerjali superjuri u inferjuri. L-istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji pubbliċi/privati għadhom kważi kollha ddominati mill-irġiel.

7.2.

Il-KESE jiddispjaċih li anke wara sejħiet kontinwi mill-Unjoni Ewropea kollha u mill-Kumitat innifsu (7), il-livell limitu li 40 % tal-bordijiet tal-kumpaniji sal-2020 ikunu nisa mhuwiex se jintlaħaq. Huwa jinnota d-diskussjoni dwar id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet tibqa’ fuq l-aġenda tal-Presidenza Rumena tal-Kunsill tal-UE bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Huwa jistieden lill-Kunsill ikompli bl-isforzi tiegħu u jipproċedi bid-diskussjoni fir-rigward tad-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet. Il-Kumitat jappella wkoll li l-industrija tassumi rwol ewlieni u żżid b’mod sinifikanti l-parteċipazzjoni tan-nisa f’pożizzjonijiet għoljin tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

7.3.

Il-Kumitat ripetutament (8) jirrakkomanda li jitqiesu strateġiji u għodod effettivi (pereżempju miżuri legali, baġitarji u volontarji, kwoti tal-ġeneru) biex jinkiser is-saqaf tal-ħġieġ u jinkiseb bilanċ bejn il-ġeneri f’karigi eletti u nominati fi strutturi politiċi ewlenin. L-indirizzar tan-normi, l-attitudnijiet u l-istereotipi tal-ġeneri li jxekklu r-rappreżentazzjoni ugwali tan-nisa fil-pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fid-dominji politiċi, ekonomiċi u soċjali huwa importanti aktar minn qatt qabel.

7.4.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tmexxi inizjattiva biex tattira aktar nisa biex jipparteċipaw fil-politika u tivvota għal kandidati nisa kwalifikati billi toħloq miżuri biex tinvesti fil-ħiliet tagħhom, fondazzjonijiet tar-riżorsi u netwerks ta’ mentoring.

7.5.

Il-KESE jilqa’ l-mira stabbilita mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker li jiġi żgurat li, sa tmiem il-mandat attwali, tal-anqas 40 % tal-maniġers intermedji u superjuri tiegħu jkunu nisa u, f’dan id-dawl, jirrikonoxxi li, peress li l-KESE huwa korp tal-UE li jirrappreżenta lis-soċjetà ċivili tal-UE u jaġixxi bħala l-pont bejn is-soċjetà u l-istituzzjonijiet tal-UE, huwa ta’ dispjaċir li 30 % biss tal-membri tiegħu huma nisa. Għalhekk, il-Kumitat jistieden lill-Kunsill jirrevedi l-linji gwida tiegħu għall-ħatra tal-membri tal-KESE sabiex jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u demografiċi fi ħdan l-Unjoni, kif iddikjarat fl-Artikolu 300(5) tat-TFUE. Il-Kumitat se jagħmel ħiltu biex jiżgura l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-operazzjonijiet tiegħu.

7.6.

Fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu li għadhom kemm ġew adottati, il-KESE ħa l-impenn li jiżgura l-konformità mal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni fil-politiki kollha tiegħu. Għal dan il-għan, il-KESE se jadotta politika kontra l-fastidju u jistabbilixxi grupp ta’ segwitu sabiex ifassal linji gwida għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ħidma kollha tiegħu, b’mod partikolari fl-Opinjonijiet tiegħu.

8.   Midja

8.1.

Il-midja għandha rwol essenzjali fl-iffurmar ta’ opinjonijiet, attitudnijiet u preġudizzji ta’ soċjetà. In-nisa huma produtturi u konsumaturi, kif ukoll parti mill-kontenut tal-midja, minkejja li l-kontenut tal-midja mhux dejjem ikun sensittiv għall-ġeneru, u jista’ juri immaġnijiet degradanti tan-nisa u jipperpetwa rwoli, stereotipi u normi tal-ġeneri. Iż-żieda tat-teknoloġiji diġitali u l-forom ġodda ta’ komunikazzjoni kompliet tikkumplika r-relazzjoni bejn ir-rwoli tan-nisa fil-midja u l-mod kif il-produtturi, il-konsumaturi u l-kontenut huma relatati magħhom.

8.2.

Filwaqt li l-impjieg tan-nisa fis-settur tal-midja fl-UE żdied għal kważi nofs (44 %) il-forza tax-xogħol u n-nisa jirrappreżentaw l-ikbar grupp (68 %) ta’ gradwati fil-korsijiet tal-ġurnaliżmu u l-informazzjoni, in-nisa f’organizzazzjonijiet tal-midja jokkupaw l-aktar biss pożizzjonijiet b’influwenza limitata fuq il-kontenut u l-istrateġija tal-organizzazzjonijiet.

8.3.

Biex titjieb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-industrija tal-midja, huwa kruċjali li jiġi mmirat is-saqaf tal-ħġieġ, li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-aħjar pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, li jiġu kkomplementati miżuri volontarji adottati minn organizzazzjonijiet tal-midja b’miżuri ta’ politika li jappoġġjaw it-trasformazzjoni tas-settur tal-midja u l-kontenut tiegħu. Huwa tal-akbar importanza li nibdew nirrikonoxxu l-konsegwenzi tal-istereotipi tal-ġeneri prodotti mill-kontenut tal-midja, kif ukoll li nivvalutaw kif l-irġiel u n-nisa jiġu rrappreżentati fil-midja.

8.4.

L-industrija tar-reklamar għadha qed titħabat biex tiddeskrivi kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel b’mod proporzjonat u realistiku. Is-soċjetà għadha tara li n-nisa u l-irġiel jidhru b’modi skaduti u inaċċettabbli, minkejja li l-istereotipi tal-ġeneri issa ta’ spiss jiġu ppreżentati b’mod aktar sottili. Il-KESE jemmen li wasal iż-żmien li nneħħu kwalunkwe perċezzjonijiet anakronistiċi u li l-industrija jkollha rwol ewlieni biex jiġi żgurat li r-reklamar ikollu impatt pożittiv aktar milli negattiv f’termini ta’ rappreżentanza u promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-soċjetà, speċjalment f’termini ta’ kummerċjalizzazzjoni stereotipata tal-ġeneri għat-tfal.

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 110, 22.3.2019, p. 26.

(2)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44

(3)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45.

(4)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 20.

(5)  ĠU C 12, 15.1.2015, p. 10.

(6)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 24.

(7)  ĠU C 133, 9.5.2013, p. 68.

(8)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 101.


OPINJONIJIET

16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/10


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tibdil ekonomiku, teknoloġiku u soċjali tas-servizzi avvanzati tas-saħħa għall-anzjani”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 240/03)

Relatur: Marian KRZAKLEWSKI

Korelatur: Jean-Pierre HABER

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja:

12.7.2018

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-CCMI

26.3.2019

Adottata fis-sessjoni plenarja

15.5.2019

Sessjoni plenarja Nru

543

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

150/3/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet (1)

1.1.

Il-problema tat-tixjiħ soċjodemografiku fl-Ewropa u r-reazzjonijiet etiċi, politiċi, ekonomiċi u soċjali li jeħtieġ li jiġu implimentati jikkostitwixxu sfida konsiderevoli u joffru opportunitajiet f’termini ta’ impjiegi, taħriġ, żvilupp ekonomiku u innovazzjoni fl-Unjoni.

1.2.

Il-Kumitat jiddispjaċih li l-politiki ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa Ewropej ma antiċipawx il-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-anzjani. Huwa jixtieq li jiġi enfasizzat ir-rwol soċjali u ekonomiku tal-anzjani kif ukoll is-sors kolossali ta’ impjiegi li huma jirrappreżentaw permezz l-intermedjarju tal-ekonomija tal-anzjani (“silver economy”) u l-ħtiġijiet għall-kura u s-servizzi personali għall-anzjani (SAPA).

1.3.

Rappreżentazzjoni korretta tar-realtajiet soċjodemografiċi tat-tixjiħ teħtieġ kejl statistiku tajjeb tal-fenomenu: ikun sensibbli, f’termini ta’ ekonomija tas-saħħa, li jitkejjel it-tixjiħ demografiku b’mod dinamiku u raffinat, b’mod partikolari bl-introduzzjoni ta’ fatturi varjabbli bħas-sess, l-għomor f’ħajja sana, l-epidemjoloġija ambjentali eċċ. Għalhekk bord ta’ demografiċi, soċjologi u tobba għandu jiġi fdat bil-kompitu li joħloq sett ta’ indikaturi dinamiċi tat-tixjiħ demografiku.

1.4.

Il-kunċett ta’ kura u ta’ servizzi personali f’istituzzjoni u fid-dar għandu jiġi ċċarat minħabba li din it-terminoloġija tinkludi diversità ta’ attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tista’ tiġi pprovduta minn fornituri bi status differenti ħafna.

Minħabba l-firxa wiesgħa ta’ attivitajiet tas-servizzi personali għall-anzjani, dawn is-servizzi mhumiex ikkunsidrati bħala settur ekonomiku koerenti fi ħdan l-UE. Għalhekk għandha tiġi kkunsidrata definizzjoni legali ġenerali tas-servizzi personali għall-anzjani fl-UE.

1.5.

Il-KESE jirrakkomanda li d-dritt għat-tixjiħ fid-dinjità jiġi rikonoxxut bħala dritt fundamentali tal-bniedem. Għalhekk jemmen li għandu jsir kull sforz biex jiġi promoss l-aċċess ugwali għal kura u servizzi ta’ kwalità.

1.6.

Il-KESE jixtieq li l-istrateġija diġitali tal-UE tqis li jinżamm l-użu tal-karta stampata sabiex jiffaċilita l-għarfien għal persuni anzjani fir-rigward tal-kura tas-saħħa li tingħatalhom.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda li l-politiki tad-djar u l-politiki tat-tixjiħ jiġu implimentati permezz ta’ skemi innovattivi ta’ akkomodazzjoni (bħal appartamenti modulari, akkomodazzjoni fi grupp, akkomodazzjoni interġenerazzjonali u inklużiva, eċċ.) li għandhom ikunu soġġetti għal attenzjoni sostnuta u għal programm ta’ għajnuna speċifika li joriġina mill-Fondi Strutturali Ewropej.

1.8.

Kull Stat Membru għandu jitħeġġeġ jistabbilixxi osservatorji tat-tixjiħ nazzjonali u reġjonali biex jaħdmu b’kollaborazzjoni mas-servizzi ekonomiċi u soċjali li jkunu minn ta’ quddiem biex:

jiżviluppaw is-sistemi legali sabiex jipproteġu s-sitwazzjoni soċjali u finanzjarja tal-persuna anzjana;

jiżviluppaw il-mobbiltà interna (id-dar) u l-mobbiltà esterna (l-attivitajiet, l-ivjaġġar, id-divertiment...) tal-anzjani;

jorganizzaw il-komplementarjetà bejn is-servizzi fid-dar, id-djar tal-anzjani u l-forom alternattivi kollha ta’ akkomodazzjoni għall-anzjani;

jikkoordinaw l-isforzi ta’ dawk li jieħdu ħsieb il-kura, dawk li jgħinuhom u s-servizzi personali għall-anzjani permezz tal-kura tal-anzjani, immexxija minn tabib ġerontologu li jikkoordina u infermier.

1.9.

L-UE għandha tikkunsidra l-ħolqien ta’ pjattaforma li tikkoordina l-attivitajiet tal-osservatorji tat-tixjiħ, responsabbli, fost affarijiet oħra, għal proposti ta’ taħriġ kontinwu u t-tixrid tal-prattika tajba billi tiġi żviluppata bażi tad-data pubblika tal-aqwa prodotti, apparat, tagħmir u arkitetturi li jiżguraw il-ħajja ta’ kuljum tal-anzjani. Il-KESE jixtieq li l-UE tappoġġja b’mod aktar attiv il-programmi ta’riċerka u żvilupp (R&Ż) dwar il-fatturi umani u soċjali karatteristiċi tal-anzjani u dwar l-epiġenetika billi tidentifika l-mekkaniżmi molekulari u bijoloġiċi ewlenin tat-tixjiħ. Huwa jirrakkomanda li tiġi stabbilita pjattaforma teknoloġika tal-komunità li tidderieġi aħjar ir-R&Ż lejn innovazzjonijiet li jipproteġu s-saħħa tal-anzjani u jiżguraw il-prevenzjoni.

1.10.

Il-KESE jappella għal użu aħjar tal-innovazzjonijiet fit-teknoloġija diġitali mill-partijiet interessati kollha fis-settur soċjali u tas-saħħa: it-telemediċina, is-sensuri, il-mappa klinika u l-fajl mediku kompjuterizzati, l-awtomatizzazzjoni fid-djar u, b’mod aktar ġenerali, l-implimentazzjoni ta’ tekniki ta’ intelliġenza artifiċjali fil-qasam tal-anzjani.

Huwa jixtieq li l-innovazzjoni tiġi stimulata billi jintemmu l-frammentazzjoni tas-suq u l-approċċi korporattivi li huma ostakli tekniċi reali. Huwa jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ standards u ċertifikazzjoni Ewropej għall-materjali u t-tagħmir intiżi għall-anzjani.

1.11.

Il-KESE jappella għal mutwalizzazzjoni fl-użu ta’ għodod teknoloġiċi ġodda li joħorġu mill-qasam diġitali biex tistimula suq reali li jkopri l-ħtiġijiet tal-anzjani u biex issostni l-investiment fl-Ewropa.

Huwa jemmen li l-gwadanji fil-produttività mit-teknoloġija diġitali għandhom jintużaw biex itejbu l-benesseri tal-anzjani u jipprogrammaw rivalutazzjoni finanzjarja tal-ħaddiema soċjali u paramediċi.

1.12.

It-taħriġ professjonali tas-settur għandu jkun appoġġjat bil-qawwa. Il-kwistjonijiet tan-nutrizzjoni, il-waqgħat fid-dar, il-vjolenza lejn l-anzjani u l-partijiet ikkonċernati, l-użu tat-teknoloġiji diġitali fid-dar, l-appoġġ ta’ tmiem il-ħajja eċċ. għandhom jiġu integrati fi programmi speċifiċi. Ikun tajjeb li l-Fondi Strutturali, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, jiffinanzjaw it-taħriġ vokazzjonali tal-partijiet interessati fis-settur tal-kura u s-servizzi.

1.12.1.

Meta titqies id-diversità tal-approċċi fl-UE, il-KESE jirrakkomanda li tiġi definita bażi komuni li tinkludi t-taħriġ essenzjali eżistenti f’approċċ simili għal dak li ppresieda d-definizzjoni tad-Direttivi 2005/36/KE tas-7 ta’ Settembru 2005 u 2013/55/UE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali.

1.13.

Sabiex jitħejjew u jissaħħu l-mobbiltà tal-ħaddiema u s-servizzi għall-anzjani, għandha tiġi definita bażi Ewropea ta’ taħriġ għall-infermiera ġerontoloġiċi, il-persuni li jindukraw u l-assistenti fil-qasam tal-kura, mhux biss fil-livell tekniku imma wkoll fil-livell soċjali u uman.

1.13.1.

Fl-istess ħin,tinħtieġ rivalutazzjoni tal-kunsiderazzjoni soċjali u finanzjarja tal-persunal responsabbli mill-anzjani. Ir-rikonoxximent tal-kunċett ta’ persuna li tindokra huwa wkoll essenzjali għall-kostruzzjoni ta’ politika koerenti u effettiva dwar it-tixjiħ.

1.14.

Il-KESE jitlob għall-organizzazzjoni ta’ round-table dwar il-finanzi li tlaqqa’ flimkien lill-atturi ewlenin tas-settur soċjali u tas-saħħa, ir-regolaturi istituzzjonali tas-swieq (li huma l-Istat u l-komunitajiet lokali), il-fondi għall-pensjonijiet, l-assiguraturi u l-fondi tal-pensjonijiet biex jiżguraw is-sopravivenza fit-tul tas-servizzi u l-investimenti għax-xjuħ, biex jagħmlu l-impjiegi aktar vijabbli u biex jirrakkomandaw il-prezz it-tajjeb għas-servizzi. Din ir-round-table ċentrali għandha tkun preċeduta minn serje ta’ laqgħat preparatorji deċentralizzati organizzati madwar il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali Nazzjonali kif ukoll il-KESE.

1.15.

Il-KESE jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ politika ta’ komunikazzjoni Ewropea mmirata lejn l-iżvilupp ta’ solidarjetà interġenerazzjonali akbar favur l-anzjani, kemm ekonomikament kif ukoll soċjalment.

2.   Politika tal-anzjani miftiehma u awtorizzata

2.1.

Għal rappreżentazzjoni konsistenti tar-realtajiet soċjodemografiċi tat-tixjiħ jinħtieġ kejl statistiku tajjeb flimkien ma’ approċċ soċjosanitarju għall-fenomenu. Ikun sensibbli li:

jiġu mobilizzati s-soċjologi u d-demografiċi biex jiżviluppaw analiżi dettaljata u prospettiva tad-dimensjonijiet soċjodemografiċi tat-tixjiħ (id-daqs u l-kompożizzjoni tad-djar, il-konnessjonijiet mat-tfal u qraba oħra, l-impatti tas-separazzjoni u r-rikompożizzjoni tad-djar);

jiġu stabbiliti strumenti ta’ valutazzjoni fl-Ewropa biex jiġu osservati u jitqabblu l-politiki tal-Istati Membri u biex jiġu trasposti l-prattiki tajbin.

2.2.

Il-prevenzjoni tista’ tillimita l-impatt ta’ xjuħija diffiċli, sakemm titqies l-isfida tagħha, jiġu identifikati l-komponenti tat-tixjiħ tajjeb (eżerċizzju, soċjabilità, serenità, nutrizzjoni), u jiġu organizzati l-isforzi umani u finanzjarji lejn din il-kwistjoni ewlenija, mingħajr ma tittaqqal il-fattura tal-persuni taxxabbli u billi titqies il-varjetà ta’ skemi finanzjarji.

2.3.

Ir-rakkomandazzjonijiet f’dan il-qasam għandhom jiġu appoġġjati minn riċerka xjentifika li għandha tiffoka fuq l-epiġenetika u tidentifika l-mekkaniżmi molekulari u bijoloġiċi ewlenin tat-tixjiħ li jistgħu jittejbu bin-nutrizzjoni mikro u r-relazzjoni bejn il-bnedmin u l-ambjent. Il-produzzjoni ta’ komposti bijoattivi ta’ kwalità għall-ġlieda kontra d-deġenerazzjoni taċ-ċelloli għandha tkun ikkontrollata u ċċertifikata aħjar biex tiġi żgurata effiċjenza mtejba.

2.4.

Is-servizzi għall-anzjani jaqgħu taħt żewġ approċċi komplementari: l-approċċ istituzzjonali fir-residenzi ta’ kura u l-approċċ residenzjali. L-effiċjenza ta’ din il-komplementarjetà se tkun żgurata biss b’oġġettività tal-missjonijiet u tal-kontenut ta’ wieħed u l-ieħor, b’definizzjoni preċiża tal-profili appoġġati, kif ukoll b’koordinazzjoni aħjar tal-atturi u l-għodod tagħhom.

2.5.

Jeħtieġ li l-informazzjoni tiġi mobilizzata u strutturata sabiex jiġu evalwati — b’mod kwantitattiv u kwalitattiv — il-ħtiġijiet attwali f’termini ta’ postijiet fir-residenzi ta’ kura fid-dawl tal-fatt li, skont il-letteratura kkonsultata, il-kura fid-dar (anke f’kondizzjonijiet ta’ dipendenza serja) hija waħda minn dawk l-affarijiet li huma tant mitluba fost dawk il-persuni ta’ 85 sena u aktar.

2.6.

Il-mappa klinika u l-fajl mediku kompjuterizzati għandhom ikunu ġeneralizzati għall-Istati Membri kollha. Dawn jippermettu fehim aħjar tas-sitwazzjoni reali tas-saħħa u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ proċess ta’ kura speċifiku għall-anzjani.

2.7.

Ikun neċessarju li titħeġġeġ viżjoni aktar miftuħa u għalhekk is-sħubija bejn id-diversi partijiet interessati mediċi u paramediċi billi jiġi privileġġjat ir-rwol tat-tabib ġerontologu li jikkoordina u tal-infermiera prinċipali – li l-funzjoni tagħhom għandha tissaħħaħ– u li jiġu stabbiliti kuntatti bejn is-servizzi tal-kura istituzzjonali, il-kura u s-servizzi ta’ pazjenti ta’ barra l-isptar, it-tabib tal-familja u l-persuni li jindukraw. Dan jippermetti fehim aħjar tad-domanda għat-tagħmir u l-akkoljenza tal-anzjani.

2.8.

Minbarra l-ħaddiema professjonali, l-involviment tal-persuni li jindukraw irid jiġi rikonoxxut u vvalutat.

Is-sistema Ġappuniża Fureai Kippu (FK) hija waħda interessanti f’dan ir-rigward (2).

2.8.1.

L-UE tista’ tkun il-pijuniera ta’ esperjenza pilota ta’ bank ta’ sigħat interġenerazzjonali f’għaxar reġjuni u/jew bliet Ewropej ispirati mill-Fureai Kippu u mbagħad tipproponi lill-Istati Membri — li jimpenjaw ruħhom favur din l-idea — biex jiġġeneralizzaw is-sistema jekk din tkun effettiva.

3.   Politika razzjonali u effiċjenti tad-djar

3.1.

Il-kwistjoni tad-djar tal-anzjani hija kumplessa u sensittiva. Għandha titqies billi tiffavorixxi sistematikament l-għażla tal-persuna u d-djalogu mal-familja u mal-qraba. Politika razzjonali tad-djar tal-anzjani għandha tqis l-elementi li ġejjin:

l-abitazzjonijiet qed jiġu antikwati flimkien mal-okkupanti tagħhom. L-ispejjeż relatati mal-okkupazzjoni ta’ akkomodazzjoni mhux xierqa jistgħu jsiru fattur ta’ faqar, nuqqas ta’ soċjalizzazzjoni u deterjorament tas-saħħa;

l-għażla ma tistax tibqa’ esklużivament bejn id-dar u l-istituzzjoni. Jeżistu forom alternattivi ta’ akkoljenza. Il-potenzjal soċjali u ekonomiku tagħhom għandu jiġi vvalutat u l-istrutturi li għandhom jinħolqu għandhom jiġu definiti skont il-profili u l-patoloġiji (day centres, ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl, ċentri ta’ prossimità li jieħdu ħsieb l-awtonomija, eċċ.);

jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn “disturbi konjittivi”u inkapaċità għall-awtonomija;

il-konċentrazzjoni ta’ persuni anzjani bejniethom m’għandha l-ebda vantaġġ konjittiv u r-relazzjoni bejn is-saħħa mentali u s-saħħa fiżika tal-anzjani llum il-ġurnata hija stabbilita xjentifikament;

il-konċentrazzjoni u l-kura totali ta’ anzjan(a) iżidu b’mod sinifikanti r-riskju ta’ ċaħda u riżenja. Dan jimplika inevitabbilment iż-żieda fil-medikalizzazzjoni u fil-medikazzjoni.

3.2.

Il-politika tal-bini mmirata lejn l-istituzzjonijiet ta’ kollokament għall-persuni anzjani dipendenti għandha tiġi raġunata taħt penali ta’ ineffiċjenza u spejjeż li diffiċli jitħallsu mill-anzjani nnifishom, filwaqt li titqies l-importanza tal-pożizzjoni ġeografika. L-iżgurar tar-rispett tal-għażla tal-persuna dwar jekk għandhiex titqiegħed f’istituzzjoni jew le għandu jibqa’ imperattiv kategoriku.

3.2.1.

Huwa essenzjali li jiġu previsti politiki tal-bini u urbani dinamiċi u flessibbli sabiex jiffavorixxu l-intermodalità tal-akkomodazzjoni, l-interġenerazzjonalità u l-ftuħ soċjali.

3.3.

L-avvanzi teknoloġiċi fl-awtomatizzazzjoni domestika huma element ewlieni tal-politiki tad-djar li għandhom jiġu implimentati. Għandhom ikunu appoġġjati b’attenzjoni speċjali għal appoġġ uman kompetenti u kwalifikat.

3.4.

L-approċċ tal-“belt komda għall-anzjani”(appoġġjat mill-OMS) għandu l-għan li jippromovi xjuħija attiva billi jimmassimizza s-saħħa, il-parteċipazzjoni u s-sikurezza taċ-ċittadini anzjani. Belt Komda għall-Anzjani tistabbilixxi stampa sħiħa, tevalwa l-istrutturi u s-servizzi ddedikati għall-anzjani u tistabbilixxi pjan għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u l-effetti fuq il-post.

L-UE tista’ tkun il-pijuniera ta’ programm biex tniedi serje ta’ esperjenzi pilota ta’ Belt Komda għall-Anzjani li jpoġġu fil-mira tagħhom profili urbani eteroġeni minn kwartieri fi bliet kbar (ħafna) sa entitajiet semi-rurali.

4.   Ir-rivalutazzjoni tal-professjonisti u taħriġ sostnut

4.1.

F’soċjetà li qed tixjieħ, għandha ssir enfasi fuq il-ġestjoni tas-sintomi u l-varjabbiltà tagħhom. Huma meħtieġa aktar professjonisti biex jiżviluppaw sistemi u proċeduri. In-numru ta’ nies li jaħdmu fir-rijabilitazzjoni u t-telemediċina se jiżdied.

Ftehimiet kollettivi li joħorġu mid-djalogu soċjali huma mixtieqa sabiex jiġi evitat it-tibdil sinifikanti tal-persunal fis-settur billi jinsistu fuq ir-rivalutazzjoni tal-kunsiderazzjoni soċjali u r-rimunerazzjoni professjonali.

4.2.

Statistikament, u irrispettivament mix-xenarju studjat, ix-xogħol ta’ għajnuna fid-dar huwa potenzjalment l-akbar sors ta’ ħolqien ta’ impjiegi. Il-professjonijiet li jirrigwardaw il-kura u l-assistenza lill-persuni fraġli kollha, li huma relattivament inqas sensittivi għas-sitwazzjoni ekonomika, għandhom jibbenefikaw minn dinamika qawwija tax-xogħol. Il-persuni li jindukraw, il-persunal awżiljarju u l-infermiera jgħoddu wkoll fost l-aktar impjiegi li joħolqu x-xogħol.

4.3.

Il-letteratura kollha kkonsultata tasal għall-istess konklużjoni: il-kura u s-servizzi għall-anzjani jirrappreżentaw ġabra ta’ impjiegi potenzjalment enormi billi t-tendenza ewlenija hija lejn it-tixjiħ soċjodemografiku tal-kontinent. Il-problema ċentrali tikkonċerna l-vijabbiltà ekonomika ta’ dawn l-impjiegi bi ħlas baxx, minħabba l-valur miżjud tagħhom, id-dedikazzjoni tal-persunal u l-kundizzjonijiet diffiċli tax-xogħol.

4.4.

It-taħriġ tal-persuni li jindukraw għandu jkun appoġġjat ukoll minħabba li l-preżenza u l-attivitajiet tagħhom, komplementari għal dawk tal-professjonisti, huma inseparabbli mill-benesseri tal-persuna anzjana. L-UE tista’ tkun il-pijuniera ta’ politika proattiva biex tgħin lil dawk il-persuni li jindukraw billi tissuġġerixxi li l-Istati Membri jadattaw il-leġislazzjonijiet soċjali tagħhom. Dan ifisser li jiġi rikonoxxut status partikolari lill-persuna li tindokra.

4.5.

Il-pubbliku li jkun fil-mira ta’ taħriġ professjonali dwar is-servizzi personali għall-anzjani, ġeneralment ma tantx ikun (jekk ikun) ikkwalifikat, minħabba li ftit li xejn huwa mdorri bil-mezzi ta’ tagħlim tradizzjonali. Madankollu, huwa għandu għarfien empiriku. Għalhekk għandu jiġi definit qafas għall-iżvilupp ta’ esperimenti formattivi bbażati fuq għarfien atipiku (għarfien u ħiliet soċjali). Il-KESE jirrakkomanda approċċ li, mingħajr ma jittraskura t-tagħlim konjittiv, juża approċċ ibbażat fuq it-tagħlim biex jiddefinixxi profili ta’ kompetenza adegwati.

4.6.

L-aċċess u l-modalitajiet tat-taħriġ għandhom jiġu ffaċilitati għall-pubbliku fil-mira billi t-tranżizzjoni għall-għarfien tekniku meħtieġ issir aktar flessibbli permezz ta’:

għodod tal-IT (u oħrajn) li jippermettu l-aċċess għat-teorija u għall-informazzjoni;

l-istabbiliment ta’ perjodi speċjali ta’ skambju;

il-ħatra ta’ konsulent permanenti;

l-organizzazzjoni ta’ komunitajiet online għall-iskambju ta’ għarfien u prattiki.

4.7.

Dan li ssemma’ hawn fuq għandu jingħata attenzjoni speċjali mill-programm Erasmus+. Barra minn hekk, l-awtorità baġitarja Ewropea għandha tiftaħ u tappoġġja r-riflessjoni permezz ta’ linja baġitarja ta’ “esperimentazzjoni”.

5.   Politika ta’ finanzjament adegwata

5.1.

Il-prinċipju ta’ aċċess universali għas-servizzi personali ta’ kura u għajnuna għall-anzjani jista’ jkun ispirat minn dak tal-Pjattaforma Ewropea għal Persuni Anzjani: ikun aċċessibbli bi prezz li ma jikkompromettix la l-kwalità tal-ħajja u d-dinjità u lanqas il-libertà tal-għażla.

5.2.

Il-persuna li qed tixjieħ tibqa’ attur dirett u indirett fin-nisġa soċjali. Meta ssib ruħha f’telf ta’ awtonomija, tibda r-rwol soċjali passiv tagħha: toħloq impjiegi diretti u indiretti meħtieġa għall-organizzazzjoni tan-netwerk ta’ appoġġ. Huwa f’dan il-punt li s-soċjetà, min-naħa tagħha, tista’ tattiva u timplimenta l-ħiliet u r-riżorsi kollha tagħha biex tiżgura l-kura komprensiva tal-anzjani tagħha.

5.3.

Is-servizzi personali għall-anzjani ġeneralment igawdu minn appoġġ pubbliku wiesa’ permezz ta’ skemi mmirati lejn il-vijabbiltà ekonomika tad-domanda privata tal-familji. Madankollu, il-kommodifikazzjoni u l-monetizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi qed ibiddlu r-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-governanza ta’ dawn is-servizzi. Minn fornituri ta’ servizzi għal persuni dipendenti, l-Istat u l-komunitajiet lokali għandhom it-tendenza li jsiru regolaturi tas-suq billi jistabbilixxu proċeduri biex jiżguraw l-effiċjenza fis-suq u l-fiduċja tal-benefiċjarji. Dan jinvolvi prinċipalment il-kontroll tal-operaturi tal-post, il-kwalità tas-servizzi u t-tixrid ta’ informazzjoni. Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jintroduċu t-trasparenza tas-swieq u prestazzjonijiet ta’ kwalità fl-attivitajiet tal-kura u servizzi ta’ għajnuna għall-anzjani.

5.4.

Sabiex tiġi żgurata vijabbiltà ekonomika vera tad-domanda għas-servizzi personali għall-anzjani, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jippromovu l-istabbiliment ta’ assigurazzjoni awtonoma, preferibbilment inkorporata fis-sistema tas-sigurtà soċjali. Din l-assigurazzjoni għandha tkun inklużiva, b’tali mod li tiffinanzja servizzi u tagħmir li jippermettu awtonomija effettiva. L-assigurazzjoni awtonoma għandha tkopri l-ħtiġijiet għall-kura u s-servizzi fid-dar kif ukoll iż-żjara temporanja jew permanenti f’istituzzjoni.

5.5.

Is-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati, jekk huma jridu jintegrawhom, ma jistgħux jaffordjaw li jiffinanzjawhom fuq il-bażi ta’ taxxa biss. Dan il-finanzjament għandu jiġi kkunsidrat billi jingħaqdu sorsi oħra, pubbliċi u privati, inklużi fondi tal-pensjoni.

Issa hemm bżonn ta’ studju soċjoekonomiku kbir prospettiv mibdi mill-Kummissjoni dwar il-vijabbiltà tal-impjiegi tas-servizzi personali għall-anzjani fit-territorju tal-Unjoni. Dan l-istudju għandu jqis il-forom differenti ta’ finanzjament pubbliku u privat, jipproponi mekkaniżmi ta’ investiment ibbażati fuq sħubijiet pubbliċi/privati u jissuġġerixxi rakkomandazzjonijiet differenti kemm fil-livell supranazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. Il-linji ta’ studju bħal dan għandhom jitfasslu bħala parti minn round table finanzjarja li tlaqqa’ flimkien lill-atturi prinċipali responsabbli biex jieħdu ħsieb l-anzjani.

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Din l-Opinjoni hija komplementari għall-Opinjonijiet tal-KESE tat-13 ta’ Diċembru 2012 dwar “Xejriet u konsegwenzi fil-qasam tal-industriji tas-servizzi personali soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni fl-Unjoni Ewropea”( ĠU C 44, 15.2.2013, p. 16); u tal-14 ta’ Frar 2018 dwar “Il-bidla industrijali fis-settur tas-saħħa”( ĠU C 227, 28.6.2018, p. 11). Tqis ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2008 dwar “L-interoperabbiltà transkonfinali tas-sistemi tar-rekords elettroniċi tas-saħħa”u tas-6 ta’ Frar 2019 dwar “Format għar-Rekords Elettroniċi dwar is-Saħħa Ewropej”.

(2)  Il-Ġappun (li huwa l-pajjiż tal-OECD fejn il-popolazzjoni qed tixjieħ l-aktar) stabbilixxa s-sistema Fureai Kippu, li hija netwerk lokali ta’ assistenza reċiproka b’“bank ta’ sigħat” biex titqajjem kuxjenza dwar il-volontarjat. Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, dan ikopri l-għajnuna kollha għall-anzjani jew għall-persuni b’invalidità li mhijiex koperta mill-assigurazzjoni tas-saħħa.


16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ix-xogħol bl-asbestos fir-rinnovazzjoni tal-enerġija”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 240/04)

Relatur: Aurel Laurențiu PLOSCEANU

Korelatur: Enrico GIBELLIERI

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

12.7.2018

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-CCMI

26.3.2019

Adottata fil-plenarja

15.5.2019

Sessjoni plenarja Nru

543

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

199/4/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ r-reviżjoni ambizzjuża tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD), iżda jirrikonoxxi wkoll il-periklu konsiderevoli kkawżat mill-asbestos, li llum huwa s-sors numru wieħed tal-kanċer okkupazzjonali fl-Ewropa. Sabiex jinkisbu l-għanijiet ambizzjużi tat-tiġdid tal-istokk tal-bini Ewropew biex jinħolqu djar u postijiet tax-xogħol tajbin għas-saħħa u li jużaw l-enerġija b’mod effiċjenti, il-KESE jqis li huwa neċessarju li jinħolqu sinerġiji mat-tneħħija ta’ sustanzi perikolużi matul ir-rinnovazzjoni tal-enerġija sabiex dan il-piż ma jitħalliex għall-ġenerazzjoni li jmiss.

1.2.

Il-Kummissjoni Ewropea jeħtiġilha tkompli tibni fuq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddid għas-saħħa okkupazzjonali marbut mal-asbestos u prospettivi għall-eliminazzjoni tal-asbestos eżistenti kollu (2012/2065(INI) u l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar It-tneħħija għalkollox tal-asbestos mill-UE, u jeħtiġilha tiżviluppa l-proposti tagħhom.

1.3.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tfittex kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) billi tuża l-programmi preċedenti tal-ILO/tad-WHO. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jappoġġjaw b’mod konġunt tali azzjoni fl-UE.

1.4.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippromovi b’mod attiv approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja fir-rigward tad-disinn tal-bini u l-materjali ta’ kostruzzjoni fid-dawl tar-riċiklaġġ u l-użu ta’ tmiem iċ-ċiklu kif ukoll l-għan tal-UE li toħloq ekonomija ċirkolari.

1.5.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti prijorità t-tneħħija ta’ sustanzi perikolużi meta tiżviluppa għodod komplementari bħal logbook diġitali għall-bini u passaport ta’ rinnovazzjoni tal-bini sabiex tinforma lill-konsumaturi dwar il-potenzjal tar-rinnovazzjoni tal-bini u tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ pjani ta’ rinnovazzjoni personalizzati bbażati fuq awditi minn professjonisti. Dan jista’ jinkludi għodod komplementari addizzjonali fil-livell tal-UE għar-reġistrazzjoni ta’ sustanzi perikolużi fil-bini li huma aċċessibbli għall-pubbliku bil-għan li jiġu protetti l-konsumaturi.

1.6.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva dwar l-esponiment għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol (id-Direttiva 2009/148/KE) mill-perspettiva ta’ gruppi ta’ riskju differenti, sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema kollha li jinsabu f’riskju ta’ esponiment għall-asbestos. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien biex jagħmlu użu effikaċi tal-fondi strutturali u ta’ investiment tal-UE għat-tnaqqis tal-asbestos.

1.7.

Ir-rinnovazzjoni tal-enerġija tinsab f’salib it-toroq ta’ diversi oqsma tad-dritt Ewropew. Il-leġislazzjoni nazzjonali u tal-UE għandhom jiġu vvalutati biex tiġi żgurata l-koerenza tal-politika fil-ġestjoni ta’ sustanzi perikolużi. Dan jinkludi leġislazzjoni dwar l-iskart u garanzija ta’ għadd suffiċjenti ta’ landfills biex jiġi mmaniġġjat l-iskart tal-asbestos.

1.8.

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw reġistri u jagħmlu s-sustanzi perikolużi komponent ewlieni ta’ kwalunkwe passaport ta’ rinnovazzjoni tal-bini eżistenti jew meta jiżviluppaw oħrajn ġodda.

1.9.

Huwa essenzjali li l-Istati Membri jfasslu l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul tagħhom fid-dawl tal-perikli inerenti tal-asbestos u ta’ sustanzi perikolużi oħra.

1.10.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-kriterji relatati mal-appoġġ finanzjarju għar-rinnovazzjoni tal-enerġija, bħat-tnaqqis jew is-sussidji tat-taxxa, jiġu ddefiniti b’mod espliċitu b’mod li jippermettu lis-sidien tad-djar ineħħu kompletament is-sustanzi perikolużi matul ir-rinnovazzjoni.

1.11.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jappoġġjaw lill-imsieħba soċjali biex jadattaw it-taħriġ, il-kwalifiki u l-profili tal-impjiegi għall-ħtiġijiet tal-ġejjieni. Dan għandu jsir bil-għan li tiżdied l-attraenza tas-settur għall-ħaddiema żgħażagħ u għan-nisa.

1.12.

Ir-rwol u r-responsabbiltà partikolari tal-imsieħba soċjali biex jeliminaw il-perikli u jipproteġu lill-ħaddiema għandhom jiġu rikonoxxuti u appoġġjati bis-sħiħ. Firxa ta’ gruppi tas-soċjetà ċivili organizzata għandhom ukoll jieħdu sehem peress li l-asbestos jaffettwa l-ħajja tax-xogħol, is-saħħa, il-ħarsien tal-konsumaturi u l-ambjent. Dan huwa partikolarment il-każ f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent u l-kumpens tal-vittmi tal-mard relatat mal-asbestos.

1.13.

L-Istati Membri jistgħu jgħinu fl-evalwazzjoni u fil-promozzjoni ta’ prattiki tajba u teknoloġiji ġodda biex jiġu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u tar-residenti tal-bini.

1.14.

Fid-dawl tal-importanza kbira tal-kwistjoni, il-KESE se jippreżenta din l-Opinjoni f’konferenza konġunta flimkien mal-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Kummissjoni Ewropea.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

L-EPBD riveduta se jkollha impatt sinifikanti fuq l-attivitajiet ekonomiċi fis-settur tal-kostruzzjoni billi żżid ir-rata medja tar-rinnovazzjoni annwali. Waħda mill-aktar bidliet sinifikanti fl-EPBD riveduta huwa l-livell ta’ ambizzjoni peress li r-rata medja annwali ta’ rinnovazzjoni għandha tiżdied minn 1 % għal 3 %. Dan se jkollu impatt pożittiv fuq l-impjiegi u se joħloq l-opportunità biex jiġu promossi ħiliet u kwalifiki ġodda u addizzjonali sabiex jiġu żgurati impjiegi sostenibbli ta’ kwalità u l-kompetittività tas-settur.

2.2.

Dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet interessati jridu jkunu konxji tar-riskju potenzjali għas-saħħa involuti fit-tiġdid tal-istokk tal-bini Ewropew, b’mod partikolari minħabba l-esponiment għal sustanzi perikolużi bħall-asbestos. Is-sidien tad-djar, ir-residenti u l-impjegati li jaħdmu fil-magħluq jinsabu f’riskju. L-EPBD riveduta tenfasizza l-kwistjonijiet relatati mas-saħħa u b’mod partikolari l-Premessa 14 tad-Direttiva (UE) 2018/844 emendatorja tipprevedi li “L-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġaw titjib fir-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini eżistenti li jikkontribwixxi biex jinkiseb ambjent ta’ ġewwa tajjeb għas-saħħa, inkluż permezz tat-tneħħija ta’ asbestos u sustanzi oħra ta’ ħsara, il-prevenzjoni tat-tneħħija illegali ta’ sustanzi ta’ ħsara, u l-iffaċilitar tal-konformità ma’ atti leġislattivi eżistenti bħad-Direttivi 2009/148/KE (1) u (UE) 2016/2284 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”.

2.3.

Tabilħaqq, bosta binjiet li jeħtieġu titjib fil-prestazzjoni enerġetika tagħhom ilhom jeżistu minn qabel id-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni fuq l-asbestos. L-istimi jissuġġerixxu li attwalment, madwar 35 % tal-bini tal-UE nbena aktar minn 50 sena ilu u kważi 75 % tal-istokk tal-bini huwa ineffiċjenti fl-użu tal-enerġija, li jfisser li l-parti l-kbira tal-istokk tal-bini fl-Ewropa huwa eliġibbli għar-rinnovazzjoni qabel l-2050. Għaldaqstant, ammonti kbar ta’ asbestos se jkollhom jitneħħew b’mod sikur.

2.4.

Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 2a tal-EPBD riveduta, fl-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul tagħhom, l-Istati Membri jeħtiġilhom iħejju pjan direzzjonali bi pjan ta’ azzjoni dwar kif se jittrasformaw l-istokk tal-bini tagħhom sal-2050. Minħabba l-proporzjon għoli ta’ bini fl-Ewropa li fih l-asbestos, l-Istati Membri għandhom jifformulaw l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul tagħhom bil-għan li jitnaqqas ir-riskju għas-saħħa tal-ħaddiema, tar-residenti u tal-pubbliku ġenerali.

2.5.

Ir-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini eżistenti titlob għarfien u ħiliet speċifiċi min-naħa tal-ħaddiema. Il-proġett Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali għal Kostruzzjoni b’Użu Baxx tal-Enerġija (VET4LEC) tal-imsieħba soċjali settorjali Ewropej tal-industrija tal-kostruzzjoni, ippreżenta dawn il-ħtiġijiet. Huwa importanti li l-professjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-asbestos b’mod professjonali jew b’mod aċċidentali jkollhom kwalifiki xierqa.

2.6.

L-asbestos għadu s-sors ewlieni tal-kanċer okkupazzjonali fl-UE. Skont il-Kummissjoni Internazzjonali dwar is-Saħħa Okkupazzjonali (ICOH), l-asbestos jikkawża l-mewt ta’ madwar 88 000 persuna fl-Ewropa kull sena, filwaqt li jammonta għal 55-85 % tal-kanċer tal-pulmun fuq il-post tax-xogħol. Ir-rati ta’ mortalità se jkomplu jiżdiedu sat-tmiem tas-snin 2020 u tas-snin 2030. Anke x-xogħol fuq l-asbestos marbut jista’ jikkawża rilaxx sinifikanti ta’ fibri tal-asbestos perikolużi.

2.7.

L-istruttura ta’ governanza tal-EPBD fil-livell nazzjonali għandha tissodisfa l-isfidi preżenti u futuri. Il-paragrafu 5 tal-Artikolu 2a tal-EPBD jiddikjara li, sabiex jappoġġja l-iżvilupp tal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu, kull Stat Membru għandu jwettaq konsultazzjoni pubblika. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-modalitajiet għall-konsultazzjoni b’mod inklużiv filwaqt li jinvolvu atturi pubbliċi u privati rilevanti b’mod aktar effikaċi abbażi ta’ konsultazzjoni wiesgħa u parteċipazzjoni effettiva.

3.   Kummenti dwar l-istituzzjonijiet Ewropej

3.1.

Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar it-theddid għas-saħħa okkupazzjonali marbut mal-asbestos u prospettivi għall-eliminazzjoni tal-asbestos eżistenti kollu (2012/2065(INI) li fiha, fost affarijiet oħra, talab lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ olistiku fir-rigward tar-rinnovazzjoni tal-enerġija u t-tneħħija tal-asbestos. L-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar It-tneħħija għalkollox tal-asbestos mill-UE għamlet rakkomandazzjonijiet simili. Il-Kummissjoni Ewropea ħadet xi miżuri biex issegwi l-proposti iżda għandha tagħmel aktar biex taċċelera l-isforzi tagħhom.

3.2.

Minħabba li fi kważi kull parti tal-bini eżistenti li nbena qabel id-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni fuq l-asbestos intuża l-asbestos, kwalunkwe tip ta’ attività ta’ rinnovazzjoni ġġib magħha r-riskju potenzjali li jiġu rilaxxati fibri tal-asbestos. L-esponiment potenzjali fir-rigward tal-ħaddiema jeħtieġ li jiġi kkontrollat u l-Kummissjoni Ewropea jeħtiġilha twettaq valutazzjoni dwar il-valur limitu Ewropew eżistenti fuq il-postijiet tax-xogħol għall-fibri tal-asbestos ta’ 100 000 fibra/m3 (id-Direttiva 2009/148/KE) sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jiggarantixxix sikurezza suffiċjenti għall-ħaddiema. Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar is-Saħħa Okkupazzjonali (ICOH) tirrakkomanda li l-valuri limitu jitnaqqsu għal 1 000 fibra/m3.

3.3.

Il-mudelli attwali għar-reġistrazzjoni tal-asbestos u ta’ sustanzi perikolużi oħra fl-Istati Membri mhuma bl-ebda mod adatti għall-iskop tagħhom. Għalkemm bosta Stati Membri jew reġjuni għandhom reġistri ta’ sustanzi perikolużi, ta’ spiss dawn ma jkunux kompluti, ma jkunux disponibbli għall-pubbliku u l-biċċa l-kbira tagħhom ma jkunux aġġornati. F’xi Stati Membri, dawn huma nieqsa għalkollox. Il-Polonja hija eċċezzjoni notevoli: il-pajjiż għandu programm ambizzjuż għat-tnaqqis tal-asbestos li jgawdi appoġġ pubbliku u huwa ffaċilitat bl-eżistenza ta’ reġistru aċċessibbli għall-pubbliku fir-rigward tal-asbestos.

3.4.

Reġistru tal-ogħla livell għas-sustanzi perikolużi fil-bini għandu jinkludi: indikazzjoni speċifika għall-bini fir-rigward tal-post u l-ammonti tas-sustanzi perikolużi, dijanjosi tal-potenzjal ta’ theddida u skeda ta’ żmien għat-tneħħija, ġbir tad-data ċentrali mill-awtoritajiet pubbliċi għal finijiet statistiċi u informazzjoni għat-tfassil tal-istrateġiji ta’ tneħħija u l-inċentivi finanzjarji, kif ukoll l-aċċessibbiltà tal-pubbliku għal informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza u s-saħħa għall-awtoritajiet pubbliċi, ir-residenti, il-kuntratturi u l-ħaddiema.

3.5.

Jeħtieġ li jittejbu l-proċeduri ta’ rikonoxximent u ta’ kumpens fir-rigward tal-vittmi tal-asbestos u għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa sabiex jingħata leħen lill-vittmi, flimkien ma’ appoġġ legali, finanzjarju u personali. Għandhom jiġu appoġġjati assoċjazzjonijiet tal-vittmi tal-asbestos. Dan jista’ jnaqqsilhom il-piż personali li jġorru b’rabta ma’ dawn il-proċeduri ta’ rikonoxximent, li dejjem iżid mat-tbatija personali tagħhom minħabba l-marda.

3.6.

F’kull livell tal-istruttura ta’ governanza tal-EPBD għandhom jiġu stabbiliti objettivi preċiżi bbażati fuq l-identifikazzjonijiet ta’ kwistjonijiet ewlenin u l-valutazzjoni tal-progress. Għandhom jiġu żviluppati strumenti Ewropej li jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali ta’ rinnovazzjoni fit-tul fil-forma ta’ linji gwida u indikaturi, valutazzjoni komparattiva, kondiviżjoni tal-aħjar prattika u reviżjonijiet bejn il-pari.

4.   Kummenti dwar l-implimentazzjoni tal-EPBD fil-livell nazzjonali

4.1.

L-EPBD riveduta tobbliga lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul. F’konformità mal-Artikolu 7 tal-EPBD, huwa essenzjali li dawn l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul jitfasslu fid-dawl tal-perikli inerenti tal-asbestos u ta’ sustanzi perikolużi oħra.

4.2.

L-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu u jimplimentaw strateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul. Dan għandu jsir flimkien mal-atturi rilevanti, inklużi livelli territorjali differenti bħal reġjuni u muniċipalitajiet. Naturalment, iridu jitqiesu d-differenzi nazzjonali fl-istrutturi amministrattivi u organizzattivi.

4.3.

Il-kriterji relatati mal-appoġġ finanzjarju għar-rinnovazzjoni tal-enerġija, bħat-tnaqqis jew is-sussidji tat-taxxa, għandhom jiġu ddefiniti b’mod espliċitu sabiex jippermetti lis-sidien tad-djar ineħħu s-sustanzi perikolużi matul it-twettiq tal-miżuri għar-rinnovazzjoni tal-enerġija; dan jista’ jinkludi l-użu ta’ materjali attivi fl-enerġija bħal sistemi fotovoltajċi integrati. Huwa importanti li l-inċentivi finanzjarji għat-tnaqqis ta’ sustanzi perikolużi jkunu disponibbli wkoll meta t-tneħħija tagħhom ma tkunx marbuta direttament mal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini. Dan jista’ jgħin biex jinħolqu postijiet ta’ għajxien u ta’ xogħol sani u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u jiffaċilita t-tneħħija ambizzjuża tal-asbestos.

4.4.

Il-konsumaturi jirrikjedu appoġġ addizzjonali fil-forma ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-perikli tas-sustanzi perikolużi fil-bini li jista’ jkollhom effetti negattivi fuq is-saħħa u l-kwalità tal-arja fil-magħluq, u dwar kif għandhom jitnaqqsu dawn il-perikli fil-proċess tar-rinnovazzjoni tal-enerġija. Il-konsulenti u l-awdituri fil-qasam tal-enerġija u persuni oħra li jagħtu appoġġ lill-konsumaturi għandhom ikunu infurmati tajjeb u kkwalifikati biex jipprovdu informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ tneħħija u finanzjament.

4.5.

Attwalment, ir-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet ta’ taħriġ f’bosta Stati Membri huma insuffiċjenti biex jipproteġu b’mod xieraq lill-ħaddiema mir-riskji tal-asbestos. Fil-prinċipju, kull ħaddiem fl-industrija tal-kostruzzjoni huwa soġġett għar-riskju potenzjali li jkun espost għall-asbestos matul xogħlu. Skont id-Direttiva dwar l-esponiment għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol (id-Direttiva 2009/148/KE), kull ħaddiem li jinsab f’riskju jeħtieġ taħriġ xieraq għal-livell tar-riskju; madankollu, dan ma ġiex rifless biżżejjed fit-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ bosta Stati Membri li ta’ spiss hija limitata għal ħaddiema li huma potenzjalment esposti għal konċentrazzjonijiet għolja (eż. it-tneħħija/id-demolizzjoni tal-asbestos). L-Istati Membri huma mħeġġa jirrevedu t-traspożizzjoni rispettiva u l-implimentazzjoni prattika tagħhom tad-Direttiva mill-perspettiva ta’ gruppi ta’ riskji differenti, sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema kollha li jinsabu f’riskju ta’ esponiment għall-asbestos.

4.6.

Huwa importanti li jiġu integrati l-għarfien u t-taħriġ speċifiku għall-kummerċ, inkluż is-sensibilizzazzjoni ġenerali, speċjalment fost il-ħaddiema żgħażagħ, li jistgħu jinkludu taħriġ vokazzjonali u edukattiv. It-taħriġ għandu jitfassal biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-ħaddiema li se jkunu esposti għall-asbestos fuq bażi okkażjonali u jippermettilhom ineħħu l-materjali b’riskju baxx bħal bjut tas-siment u pajpjiet magħmulin minn asbestos mhux daneġġat. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-SMEs. Fl-aħħar nett, il-ħtiġijiet ta’ kumpaniji speċjalizzati fit-tnaqqis tal-asbestos li jistgħu jimmaniġġjaw ukoll materjali b’riskju għoli u kwantitajiet kbar fuq bażi regoli għandhom jitqiesu b’mod separat.

4.7.

L-Imsieħba Soċjali Ewropej fl-industrija tal-kostruzzjoni żviluppaw moduli ta’ informazzjoni dwar l-asbestos għall-ġestjoni aktar sikura tal-asbestos, li huma disponibbli f’bosta lingwi. L-Istati Membri huma mħeġġa jwettqu attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tagħhom stess jew ixerrdu materjal eżistenti.

4.8.

Huma disponibbli teknoloġiji ġodda u prattiki ta’ xogħol ġodda biex jiġu protetti s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema u tar-residenti tal-bini u jeħtieġ li l-użu u l-implimentazzjoni tagħhom jiġu promossi. It-tnaqqis tat-trab ġenerali fuq il-post tax-xogħol jista’ jnaqqas il-firxa wiesgħa ta’ effetti negattivi fuq is-saħħa li fost l-oħrajn jirriżultaw mis-silika kristallina, mit-trab tal-injam u mill-asbestos. Dan jista’ jsir b’mezzi differenti, bħall-ġbid tat-trab mis-sors, jew li jingħaqad bl-applikazzjoni tal-ilma jew tal-ġell. Robots ikkontrollati mill-bogħod diġà qegħdin jintużaw għat-tneħħija ta’ materjali mill-uċuħ, minn spazji ristretti, mis-soqfa u mill-ħitan tal-bini. Ġaladarba l-periklu tas-sustanzi perikolużi jitqies b’mod serju, dan jista’ jixpruna l-innovazzjoni.

4.9.

Huwa importanti li tiġi indirizzata l-perċezzjoni kultant preċiża ta’ postijiet tax-xogħol perikolużi u ħżiena għas-saħħa fis-settur tal-kostruzzjoni. Din hija kunsiderazzjoni importanti fid-dawl ta’ forza tax-xogħol li qed tixjieħ. Il-ġestjoni tar-riskju tal-asbestos u ta’ sustanzi perikolużi oħra b’mod olistiku matul ir-rinnovazzjoni tal-enerġija tista’ tagħmel is-settur aktar attraenti għall-irġiel u n-nisa żgħażagħ.

4.10.

Ir-rinnovazzjoni tal-enerġija toħloq professjonijiet ġodda u tittrasforma l-profili tal-impjiegi eżistenti. Din hija opportunità biex is-settur isir aktar attraenti u biex jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda u attraenti. Qed isir dejjem aktar importanti li tiġi indirizzata l-bidla demografika fis-settur billi jiġu pprovduti profili tal-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol li jissodisfaw l-aspettattivi tal-ħaddiema żgħażagħ u tan-nisa b’mod partikolari.

4.11.

Persuna normali tqatta’ madwar 90 % tal-ħin tagħha ġewwa. Illum il-ġurnata, il-materjali tal-bini rarament ikun fihom materjali omoġenji. Jidher li anke prodotti sempliċi jiġu prodotti billi jintużaw firxa ta’ prodotti u addittivi kimiċi; dan ta’ spiss huwa marbut ma’ proċessi tekniċi. Xi drabi, l-effetti fit-tul fuq is-saħħa tal-bniedem ma jkunux magħrufa. Pereżempju, in-nanomaterjali għandhom karatteristiċi ġeometriċi simili bħall-asbestos u maż-żmien jistgħu jsiru potenzjalment perikolużi. Dawk li jfasslu l-politika u l-produtturi tal-materjal tal-bini għandhom japplikaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni bħala r-regola ta’ gwida fir-riċerka u l-iżvilupp tal-materjali tal-bini.

4.12.

Għandu jiġi integrat approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja fir-rigward tad-disinn tal-bini u l-materjali tal-kostruzzjoni fid-dawl tal-użu ta’ tmiem iċ-ċiklu u r-riċiklaġġ. Dawk li jfasslu l-politika jistgħu jistimulaw jew jipprovdu inċentivi biex jintużaw tekniki tal-bini sostenibbli u materjali tal-bini naturali bħal, iżda mhux limitati għall-injam, idealment minn sorsi lokali. Pereżempju, attwalment qed naraw żieda fil-bini b’qafas tal-injam u fl-iżviluppi teknoloġiċi rigward il-materjali tal-insulazzjoni b’bażi bijoloġika bħal hempcrete jew applikazzjonijiet ġodda għal prodotti bbażati fuq l-injam fl-attivitajiet relatati mal-abitazzjoni. Dawn l-iżviluppi fl-użu ta’ aktar materjali u prodotti sostenibbli għandhom jiġu promossi u appoġġjati b’mod attiv permezz ta’ diversi strumenti u inizjattivi tal-UE. Dan għandu jqis ukoll l-għan tal-UE li toħloq ekonomija ċirkolari.

4.13.

Waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin għar-reviżjoni tal-EPBD kienet li jitnaqqas l-impatt tat-tibdil fil-klima. Madankollu, aħna nistgħu nantiċipaw frekwenza ogħla ta’ diżastri naturali li jistgħu jirriżultaw fir-rilaxx mhux ikkontrollat tal-fibri tal-asbestos mill-bini u l-infrastruttura pubblika. Dan għandu jkun inċentiv addizzjonali biex tiġi aċċellerata t-tneħħija tal-asbestos u għandu jkun parti mill-pjani ta’ rispons għad-diżastri naturali. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, is-servizzi tal-emerġenza jinsabu f’riskju u jeħtieġ li jkunu protetti b’mod adegwat.

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kontribut tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għal Ewropa aktar koeżiva u demokratika”

(opinjoni esploratorja fuq talba mill-Presidenza Rumena)

(2019/C 240/05)

Relatur: Alain COHEUR

Konsultazzjoni

Ittra tal-20.9.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

2.4.2019

Adottata fil-plenarja

15.5.2019

Sessjoni plenarja Nru

543

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

118/1/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jipprovdu tweġibiet varjati, fid-diversità tas-setturi ta’ attività tagħhom, biex nimxu lejn soċjetà aktar koeżiva u attenta għall-interess ġenerali. L-ekonomija soċjali hija mutur essenzjali tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa, ibbażat fuq 2,8 miljun negozju u 13,6-il miljun impjieg, li jammontaw għal 8 % tal-PDG tal-UE. L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom rwol ewlieni fil-ħolqien u ż-żamma ta’ impjiegi ta’ kwalità, is-suċċess tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

1.2.

Is-sitwazzjoni attwali tal-ekonomija soċjali fl-Ewropa mhijiex ugwali. Hemm Stati Membri fejn is-saħħa storika u l-politika nazzjonali reċenti jappoġġjaw l-iżvilupp tas-settur, filwaqt li f’oħrajn, huwa mrażżan. Dan il-kuntest, li miegħu jingħaqad in-nuqqas ta’ mezzi finanzjarji adegwati, ma jħallix lill-ekonomija soċjali tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-irkupru tad-dinamiżmu tal-intrapriżi, ittaffi t-tensjonijiet soċjali maħluqa miż-żieda fl-inugwaljanzi u fil-faqar, tnaqqas il-qgħad f’ċerti reġjuni, u tiġġieled kontra l-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol, fenomeni li jwasslu għaż-żieda fil-populiżmu.

1.3.

Il-KESE jappella biex l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea (KE) jirrikonoxxu l-kontribut tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fl-iżvilupp ta’ ċittadinanza attiva u fil-ġid komuni, kif ukoll fil-promozzjoni ta’ mudell soċjali Ewropew u fil-ħolqien ta’ identità Ewropea. Dan ir-rikonoxximent huwa sinifikanti biss jekk jitqassmu r-riżorsi adegwati u jiġu mħeġġa t-tixrid u l-promozzjoni tal-użu tal-innovazzjonijiet u tal-għarfien.

1.4.

Il-KESE jinnota li essenzjalment, il-mudelli tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma kważi nieqsa mill-programmi tat-tagħlim u mill-faċilitajiet ta’ ħolqien u ta’ żvilupp tal-intrapriżi. Il-kwistjoni tat-taħriġ u l-edukazzjoni fl-ekonomija soċjali għandha tkun imniżżla fil-programmi tas-sistemi edukattivi, aċċess ġenwin għall-għarfien u għas-sens ta’ inizjattiva intraprenditorjali. Għalhekk, għandu jiġi promoss l-aċċess tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għall-programm Eramus+.

1.5.

Il-KESE jfakkar li huwa essenzjali li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jiġu promossi permezz ta’ politiki pubbliċi ambizzjużi u trasversali u permezz ta’ Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-ekonomija soċjali.

1.6.

Il-KESE, kif diġà ntqal f’opinjonijiet preċedenti, jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm appoġġ speċifiku għall-innovazzjoni soċjali, li jinkludi rikonoxximent u appoġġ politiku għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u għas-soċjetà ċivili bħala parti interessata ewlenija fis-soċjetà u l-provvista ta’ ambjent abilitanti.

1.7.

Il-KESE jitlob lill-KE tiċċara l-kunċett tal-ekonomija soċjali skont il-karatteristiċi tal-forom differenti attwali tagħha.

1.8.

Il-KESE jfakkar lill-KE, lill-Istati Membri u lill-Eurostat fil-ħtieġa li jimplimentaw il-proposti msemmija fil-manwal dwar il-kontijiet satelliti sabiex jinħoloq reġistru tal-istatistika tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

1.9.

Il-KESE jfakkar fil-ħtieġa li jsiru iktar riċerki biex wieħed jifhem l-iskop u l-mekkaniżmi li permezz tagħhom l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, tad-demokrazija u jagħtu spinta lill-ekonomija. Dan l-approċċ jippermetti li titnaqqas id-diskrepanza li teżisti bejn l-Istati Membri l-ġodda u l-bqija tal-UE.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma kkaratterizzati mill-fatt li jaqdu l-interess ġenerali jew ta’ komunità u m’għandhomx l-għan li jimmassimizzaw il-qligħ tagħhom. L-għan tagħhom jidher biċ-ċar li huwa wieħed soċjali: dan jinvolvi t-titjib tal-benesseri individwali u soċjali billi jitnaqqsu l-inugwaljanzi u tittejjeb il-koeżjoni soċjali. Għandhom l-għan ukoll li jgħinu fl-iżvilupp ta’ impjiegi ta’ kwalità fl-intrapriżi soċjalment responsabbli.

2.2.

L-ekonomija soċjali hija forma ta’ organizzazzjoni tal-attivitajiet tal-bniedem, imsejsa fuq is-sjieda kollettiva, is-solidarjetà u d-demokrazija parteċipattiva, li tiddependi fuq l-effiċjenza ekonomika tal-mezzi tagħha u tiżgura l-produzzjoni, it-tqassim u l-iskambju, kif ukoll il-konsum ta’ prodotti u servizzi. Tikkontribwixxi għall-espressjoni ta’ ċittadinanza attiva u għandha sehem fil-prosperità individwali u kollettiva. Tintervjeni fl-oqsma kollha: ekonomiċi, soċjali, soċjetali u ambjentali.

2.3.

Huwa ċar li għadd ta’ elementi qed jimminaw progressivament il-pedamenti tas-soċjetajiet tagħna li huma bbażati fuq id-demokrazija u l-koeżjoni soċjali: it-tnaqqis fl-infiq pubbliku u fl-oqfsa ta’ protezzjoni li joffru, il-loġika ta’ profitt u ta’ redditu fuq żmien qasir li jsegwu s-swieq finanzjarji u spekulattivi, iż-żieda fil-populiżmu, iż-żieda fl-inugwaljanzi.

2.4.

Sabiex jiġu indirizzati dawn l-iżviluppi soċjetali u l-inċertezzi li kull ma’ jmur dejjem qed jiżdiedu, iżda wkoll biex jinżammu l-ambizzjonijiet tagħha tal-iżvilupp ekonomiku, l-UE għandha tikkontribwixxi għall-ħruġ fid-dieher ta’ soċjetajiet demokratiċi u koeżivi u li huma sinonimi mal-progress ekonomiku u soċjali u mal-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet u l-forom ta’ esklużjoni soċjali. L-UE tista’ tilħaq l-ambizzjonijiet tagħha filwaqt li tiddefendi l-valuri komuni tagħha permezz tal-implimentazzjoni ambizzjuża tal-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali u billi tikseb l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli.

3.   Koeżjoni soċjali u soċjetà ċivili

3.1.

Il-koeżjoni soċjali hija, skont il-Kunsill tal-Ewropa, il-kapaċità ta’ soċjetà li tiżgura l-benesseri tal-membri kollha tagħha, billi tnaqqas id-disparitajiet u tevita l-marġinalizzazzjoni. Għall-KE, l-ambizzjoni tal-politika ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija li tnaqqas id-diskrepanzi tal-ġid u l-iżvilupp bejn ir-reġjuni tal-UE. Il-ksur tal-“koeżjoni soċjali” jikkawża żieda fil-frustrazzjonijiet u fl-attitudnijiet introversi u jiffurmaw ambjent fejn jinbtu teoriji antidemokratiċi. Id-demokrazija, il-koeżjoni soċjali u l-organizzazzjoni libera u indipendenti tas-soċjetà ċivili jikkostitwixxu l-proġett Ewropew, anki jekk forsi qegħdin jiġu ddubitati llum. L-ekonomija soċjali, permezz tal-għanijiet soċjali jew l-impatt soċjali tagħha, twieġeb b’mod prammatiku għall-għanijiet ta’ koeżjoni u għall-iżvilupp filwaqt li tappoġġja mudell demokratiku.

3.2.

Għal raġunijiet storiċi u kuntestwali, is-soċjetà ċivili għandha definizzjonijiet differenti ħafna u tista’ tieħu suriet differenti skont l-Istati Membri. Il-qofol tagħha huwa t-tradizzjonijiet kulturali u politiċi. Xi wħud mill-organizzazzjonijiet tagħha (trejdjunjins, assoċjazzjonijiet, karitajiet, eċċ) ilhom stabbiliti, xi oħrajn qegħdin jinbtu maż-żminijiet. L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, peress li huma ekonomija tal-persuni u mhux tal-kapital, jistgħu jitqiesu bħala parti minn din is-soċjetà ċivili.

3.3.

Is-soċjetà ċivili hija sa ċertu punt inkubatur għall-iżvilupp tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u, għaldaqstant, taċċellera l-koeżjoni. Permezz tal-ħolqien tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, is-soċjetà ċivili tista’ tagħti lil ċerti minoranzi d-dritt li jinstemgħu, jew tiżviluppa attivitajiet ftit li xejn profitabbli, filwaqt li dawn mhux neċessarjament jiġu kkunsidrati permezz tal-intrapriżi iktar tradizzjonali. Fiż-żmien ta’ movimenti ksenofobiċi jew ta’ tnaqqis fid-demokrazija, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jistgħu jikkontribwixxu għal iktar demokrazija u għal iktar koeżjoni (Artiklu 2 tat-Trattat), pereżempju fil-kwistjoni tal-integrazzjoni tal-migranti (1).

3.4.

Fil-qasam tal-edukazzjoni, l-ekonomija soċjali kif ukoll il-kontribut tagħha u l-valur miżjud tagħha għas-soċjetajiet tagħna ħafna drabi huma injorati mill-kurrikuli skolastiċi u universitarji. L-istess jgħodd għas-setturi tal-ħolqien ta’ intrapriżi. L-Istati Membri, bħall-korpi tal-UE, għandhom għaldaqstant jiftħu l-possibbiltà ta’ edukazzjoni dwar l-ekonomija soċjali, biex mhux tiġi imposta iżda biex iċ-ċittadini jingħataw il-possibbiltà li jagħmluha tagħhom.

4.   L-ekonomija soċjali, mudell ekonomiku li jesprimi ruħu b’mod differenti

4.1.

Minħabba li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali bdew mill-organizzazzjoni taċ-ċittadini biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali, u anki kulturali, tagħhom, fil-konfront tat-taqlib fis-soċjetà, għall-bidu ġew definiti skont l-istatus ġuridiku tagħhom, kuntratti fundamentali li jorbtu lill-partijiet attivi billi jistabbilixxu liberament ir-regoli interni tal-operat tagħhom. Għalhekk kienu nħolqu l-assoċjazzjonijiet mutwi, il-kooperattivi u l-assoċjazzjonijiet, li magħhom ngħaqdu l-fondazzjonijiet. Illum, dawn il-vetturi ġuridiċi jibqgħu dawk li jintużaw l-aktar ta’ spiss għall-ħolqien ta’ intrapriżi fl-ekonomija soċjali (2).

4.2.

Wara li żviluppaw is-soċjetajiet, ingħaqdu magħhom tipi oħrajn ta’ strutturi: l-intrapriżi ta’ integrazzjoni permezz tax-xogħol (WISE) fis-setturi tal-integrazzjoni soċjoprofessjonali u tad-diżabililtà, jew l-intrapriżi b’għan soċjali fir-riklamazzjoni u fir-riċiklaġġ, fil-kura għall-persuni, fil-ħarsien tal-ambjent.

4.3.

Il-KE, f’numru ta’ testi differenti (inizjattiva u regolament (3)), ħeġġet l-appoġġ għall-iżvilupp tal-intrapriżi soċjali, li huma essenzjalment intrapriżi minn qasam tal-ekonomija soċjali. Illum, id-dibattitu huwa miftuħ dwar l-integrazzjoni de facto ta’ intraprenditorija soċjali, li d-definizzjoni tagħha mhijiex ċara.

4.4.

Il-KESE ilu ħafna jitlob biex ikun hemm Pjan ta’ Azzjoni għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali sabiex jiġu żgurati l-iżvilupp u t-tkabbir u jintlaħaq il-potenzjal sħiħ ta’ dan is-settur fl-Ewropa. Għall-KESE, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma parti mill-ekonomija regolari u mhumiex f’kunflitt ma’ mudelli ta’ negozju oħra. Madankollu, il-maġġoranza tal-programmi eżistenti ta’ appoġġ għan-negozju, żvilupp u bidu ta’ negozju kif ukoll kundizzjonijiet neċessarji oħra bħal leġislazzjoni u strumenti finanzjarji ħafna drabi jonqsu milli jappoġġjaw lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali prinċipalment minħabba li huma mfassla għal mudell u loġika ta’ kumpanija standard u aktar tradizzjonali. Barra minn hekk, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom ikun rikonoxxuti b’mod sħiħ u involuti fid-djalogu soċjali.

5.   Il-kontribut tal-kooperazzjoni u tal-ekonomija soċjali għall-għanijiet tal-koeżjoni soċjali u tad-demokrazija

5.1.

Id-demokrazija tinsab fil-qalba tad-definizzjoni tal-ekonomija soċjali u tad-dinamiċi mmexxija mill-intrapriżi tagħha. Id-demokrazija “interna” tagħmel referenza għall-prinċipju ta’ “persuna waħda, vot wieħed” fi ħdan il-korpi regolatorji, u l-parteċipazzjoni ta’ diversi kategoriji ta’ atturi fil-ġestjoni tal-intrapriżi bħall-impjegati, l-utenti jew il-benefiċjarji.

Madanakollu, ir-rwol tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fid-demokratizzazzjoni tal-ekonomija tagħna jmur lil hinn mill-metodi interni tagħhom tal-ġestjoni. Fil-fatt, teżisti dimensjoni demokratika li toffri liċ-ċittadini l-possibbiltà li jinvolvu ruħhom fl-attivitajiet kollettivi u jikkontribwixxu f’dibattiti soċjali. Permezz ta’ dan, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jiffurmaw tabilħaqq skola tad-demokrazija parteċipattiva.

5.2.

Din il-funzjoni demokratika tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali qiegħda titwettaq f’livelli differenti: permezz tal-prodotti u s-servizzi li joffru, l-alternattivi li jipproponu, it-tweġibiet li jagħtu għall-ħtiġijiet li għalihom ma kienx hemm tweġiba, il-postijiet għall-espressjoni u d-dibattiti li jgħinu biex joħolqu, l-attivitajiet li jmexxu ta’ lobbjar u ta’ sensibilizzazzjoni. Huma għandhom jassumu mudell ta’ intrapriżi li jirrispettaw aktar il-kwistjonijiet ambjentali, ir-relazzjonijiet soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tagħhom.

5.3.

Meta wieħed jagħmel referenza għall-kontribut tal-ekonomija soċjali għall-koeżjoni, wieħed għandu t-tendenza li jirreferi b’mod partikolari għall-kapaċitajiet “restorattivi” tagħha, l-appoġġ tagħha għall-komunitajiet fil-bżonn, u s-sehem tagħha fis-setturi soċjali, mediċi u ta’ benesseri. Din it-tendenza li tiġi assenjata funzjoni restorattiva lill-ekonomija soċjali hija indiskutibbli u inseparabbli mill-attività tas-settur volontarju. Madankollu, il-koeżjoni u d-demokrazija għandhom jitqiesu wkoll mill-angolu tal-politiki u tal-proċeduri implimentati mill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali biex ikejlu l-impatt soċjali tagħhom.

6.   Koeżjoni soċjali u territorjali — il-konsolidazzjoni ta’ żona Ewropea integrata permezz tal-ekonomija soċjali

6.1.

Il-globalizzazzjoni, il-ħolqien ta’ suq uniku Ewropew u r-rivoluzzjonijiet industrijali l-kbar ġabu bidliet kbar fit-territorji. Ċerti reġjuni sabu ruħhom, jew għadhom isibu ruħhom, milquta, b’mod partikolari, mid-deindustrijalizzazzjoni u l-qgħad.

6.2.

L-ekonomiji tal-Istati Membri l-ġodda għaddew minn proċessi twal u kultant ibsin ta’ sistemi kommunisti tal-ippjanar għall-ekonomiji regolati tas-suq. L-aġġustamenti istituzzjonali u politiki kellhom konsegwenzi fuq is-soċjetajiet u l-ekonomiji rispettivi tagħhom, kif ukoll fuq il-flussi migratorji. Dawn il-bidliet affettwaw ukoll lill-SMEs, b’mod partikolari s-settur tal-kooperattivi f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi, li kien strumentalizzat għal għexieren ta’ snin, saħansitra waqt it-tranżizzjoni għal sistema ta’ suq. L-iżvilupp tal-ekonomija soċjali f’dawn il-pajjiżi jista’ jikkontribwixxi għall-għan imfittex mill-UE li jikkonsisti fil-konsolidazzjoni ta’ żona Ewropea integrata li fiha l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi bejn l-UE-15 u t-12-il pajjiż membru ġdid mill-Lvant u n-Nofsinhar tal-Ewropa jitnaqqsu u jiġu eliminati.

6.3.

F’għadd ta’ pajjiżi f’dan ir-reġjun, l-ekonomija soċjali kompliet titlef aktar u aktar prestiġju. Madanakollu, dan is-settur ma ġiex żarmat. Fir-rigward tas-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet, wara nofs seklu ta’ għajbien kważi totali, esperjenzaw skoperta mill-ġdid u tkabbir gradwali, flimkien mal-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, tal-movimenti soċjali u tat-trejdjunjins f’dawn il-pajjiżi. L-iżvilupp ta’ dan it-“tielet pilastru” fl-Istati Membri l-ġodda għandu jitqies bħala parti mill-integrazzjoni adegwata tagħhom fil-mudell soċjali Ewropew.

6.4.

Kampanji ta’ edukazzjoni u ta’ informazzjoni fuq l-istorja, it-tradizzjonijiet u l-għeruq nazzjonali tal-ekonomija soċjali u tal-movimenti tal-kooperattivi għandhom jgħinu biex jittaffew il-perċezzjonijiet negattivi assoċjati mal-kooperattivi sfurzati tas-sistemi kommunisti u jorbtu mill-ġdid il-forom ġodda tal-intrapriżi soċjali mat-tradizzjonijiet tal-ekonomija soċjali.

6.5.

Bl-istess mod, fil-pajjiżi bi tradizzjoni qawwija ta’ ekonomija soċjali, l-eletti, l-intraprendituri u l-komunitajiet fittxew li jagħtu spinta ġdida lit-territorji tagħhom u li jwieġbu għall-iżbilanċi ekonomiċi u soċjali li dawn kienu ffaċċjaw. Il-forom tradizzjonali jew ġodda tal-ekonomija soċjali sabu ruħhom mill-ġdid fil-qalba tal-ġid politiku lokali u kkontribwixxew għall-koeżjoni u għall-ħajja demokratika.

7.   L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jġibu l-innovazzjoni soċjali u ekonomika

7.1.

L-innovazzjonijiet ħafna drabi jiġu riferuti bħala innovazzjonijiet soċjali jew tas-soċjetà, suġġett li l-KESE esplora f’opinjonijiet preċedenti. L-innovazzjonijiet soċjali huma tajbin għas-soċjetà iżda jtejbu wkoll il-kapaċità tas-soċjetà li taġixxi. Il-pedament tal-innovazzjoni soċjali huwa perspettiva etika, ideoloġika jew ta’ interess ġenerali, li tintwera mir-rwol tas-soċjetà ċivili fit-tfassil ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali. L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma katalisti għall-innovazzjoni soċjali, peress li huma ċċentrati fuq grupp ta’ utenti speċifiku, bżonn mhux issodisfat fis-soċjetà jew l-indirizzar ta’ nuqqas.

7.2.

Qed jitfaċċaw għadd ta’ mudelli tan-negozju ġodda li qed jittrasformaw ir-relazzjoni bejn il-produtturi, id-distributuri u l-konsumaturi (bħall-ekonomija funzjonali, l-ekonomija kollaborattiva u l-finanzi responsabbli). L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali mhumiex ġodda iżda jaqblu ma’ din il-kategorija ta’ mudelli ekonomiċi alternattivi għax kollha kemm huma jipprovaw jindirizzaw sfidi ewlenin oħra għan-nies u għall-pjanetà li huma kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli, bħall-ġustizzja soċjali, il-governanza parteċipattiva u l-konservazzjoni tar-riżorsi u l-kapital naturali. L-UE tista’ tkun mexxej fil-mudelli ekonomiċi innovattivi li jagħmlu l-idea ta’ prosperità ekonomika waħda li ma tistax tinfired minn protezzjoni soċjali ta’ kwalità għolja u sostenibbiltà ambjentali, u tiddefinixxi “ditta Ewropea”. Għaldaqstant l-UE trid tkun ambizzjuża fir-rigward ta’ din il-kwistjoni.

7.3.

Fil-Belġju, l-esperjenza tal-kooperattivi ta’ SMART tippermetti lill-membri impjegati awtonomi tagħha biex jiżviluppaw l-attività ekonomika tagħhom f’ambjent sikur. SMART illum jinsab f’disa’ pajjiżi Ewropej b’total ta’ 120 000 professjonist.

7.4.

Fi Spanja, għal aktar minn 70 sena, il-grupp tal-kooperattivi Mondragon kellu rwol importanti fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Pajjiżi Baski. Mondragon Corporation illum tħaddem aktar minn 90 000 persuna.

7.5.

Fi Franza, il-kooperattivi b’interess kollettiv (SCIC — social initiative cooperatives) okkupaw, fil-biċċa l-kbira, il-post għall-appoġġ u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-pubbliku fil-bżonn. Dawn saru atturi tal-iżvilupp territorjali u jmexxu proġetti ta’ żvilupp lokali.

7.6.

Iżjed u iżjed professjonisti u riċerkaturi tal-qasam diġitali qegħdin jaġixxu taħt forma ta’ kooperattivi, intrapriżi li jsejħu lilhom infushom “beni komuni immaterjali”.

7.7.

L-istess jgħodd għall-oqsma tal-kummerċ ġust, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ agrikoltura ta’ kwalità bijoloġika jew “motivata”. L-inizjattivi tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali qed ikomplu jiżdiedu fis-setturi marbuta mal-ambjent.

7.8.

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali mhumiex limitati għal intrapriżi żgħar. Xi wħud minn dawn l-intrapriżi fil-qasam tal-banek u l-assigurazzjoni (bħall-Crédit coopératif fi Franza u l-Groupe P&V fil-Belġju) huma intrapriżi ewlenin fis-swieq nazzjonali tagħhom. Kooperattivi tal-konsum jew tat-tqassim jokkupaw bl-istess mod postijiet importanti fil-kummerċ popolari fl-Ewropa.

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 1.

(2)  L-istudju tal-KESE tal-2017 intitulat "Recent Evolutions of the Social Economy in the European Union" (Żviluppi riċenti tal-ekonomija soċjali fl-Unjoni Ewropea”. (mhux disponibbli bil-Malti)

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (“EaSI”) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238).


16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-filantropija Ewropea: potenzjal mhux sfruttat”

(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Rumena)

(2019/C 240/06)

Relatur: Petru Sorin DANDEA

Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Rumena tal-Kunsill

Ittra, 20.9.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni Kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

24.4.2019

Adottata fil-plenarja

15.5.2019

Sessjoni plenarja nru

543

Riżultat

(favur/kontra/astensjonijiet)

132/5/15

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrikonoxxi bis-sħiħ il-valur miżjud komplementari u innovattiv li l-filantropija tista’ tagħti lill-koeżjoni soċjali billi tagħti spinta lill-valuri komuni u tagħmel lis-soċjetà tagħna aktar reżiljenti. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istati Membri jirrikonoxxu l-filantropija bħala mod kif jintwerew l-impenn u l-wegħdiet soċjetali, jinħoloq spazju għall-filantropija u jkun hemm kuntatt ma’ atturi filantropiċi b’inizjattivi leġislattivi jew mhux leġislattivi adegwati.

1.2.

Il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jistabbilixxu ambjent favorevoli għall-filantropija f’konformità mal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-UE, li jinkoraġġixxu azzjoni filantropika u taċ-ċittadini, biex il-privat jagħti donazzjoni għal kawżi ta’ benefiċċju pubbliku u l-ħolqien ta’ organizzazzjonijiet filantropiċi, kif ukoll jiżguraw li l-miżuri tas-sigurtà nazzjonali u tal-UE jkunu bbażati fuq ir-riskju, proporzjonati u bbażati fuq l-evidenza iżda wkoll jippromovu t-trasparenza f’azzjoni filantropika.

1.3.

L-istat soċjali u s-sigurtà soċjali nħolqu mill-Ewropa u huma l-għira tal-bqija tad-dinja. Il-Kumitat jemmen li l-Istati Membri għandhom isaħħu l-istat soċjali, il-Mudell Soċjali Ewropew, u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, abbażi tal-ġustizzja fiskali u politiki effettivi dwar l-impjiegi. Dan ser itejjeb il-komplementarjetà u l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet filantropiċi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet reali tal-aktar nies vulnerabbli u biex jindirizzaw kwistjonijiet li mhumiex totalment koperti mill-istituzzjonijiet pubbliċi jew mis-settur privat.

1.4.

Peress li l-fluss liberu tal-kapital huwa fil-qalba tas-suq uniku tal-UE, il-KESE jqis li l-iżgurar tal-applikazzjoni legali u prattika ta’ din il-libertà fundamentali flimkien mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni biex jiġu ffaċilitati l-għoti u l-investimenti filantropiċi transkonfinali għandhom ikunu prijorità għall-UE u l-Istati Membri. Għandhom jitqiesu wkoll forom ġuridiċi sovranazzjonali biex jiġi ffaċilitat l-involviment filantropiku.

1.5.

L-UE tista’ tisfrutta l-impatt tar-riżorsi privati għall-ġid komuni billi tintroduċi strumenti finanzjarji, pereżempju permezz tal-programm Invest EU 2018, li jaġixxu bħala katalist għall-għoti konġunt mal-filantropija, jistimula l-investimenti konġunti u aktar investimenti b’impatt soċjali kif ukoll jipprovdi għodod ta’ garanzija biex jitnaqqsu r-riskji finanzjarji ta’ investimenti relatati mal-missjonijiet minn organizzazzjonijiet filantropiċi. Għandha tiffaċilita wkoll l-involviment fl-innovazzjoni soċjali.

2.   Introduzzjoni

2.1.

B’modi kbar u żgħar, il-filantropija tejbet il-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies tal-Ewropa u madwar id-dinja. Madwar l-Ewropa kollha, l-individwi, il-familji, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u n-negozji jikkontribwixxu għall-ġid komuni, u jieħdu sehem fi tradizzjoni li ilha li tavvanza l-umanità komuni tagħna bi rwol komplemetari u ċar għall-istat.

2.2.

L-għoti individwali, fil-forom kollha tiegħu, probabbilment huwa antik daqs l-interazzjoni umana, filwaqt li l-oriġini tal-għoti organizzat (fil-forma ta’ fondazzjonijiet, pereżempju) f’ħafna pajjiżi Ewropej imur lura għall-Imperu Ruman. Fl-istess waqt, l-Ewropa hija kontinent varjat u l-filantropija tiddependi mid-differenzi fl-istorja u l-kultura, mill-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi u mir-regoli.

2.3.

Illum, il-filantropija hija forma waħda ta’ turija ta’ impenn soċjali, impenn għall-ġid pubbliku, is-solidarjetà u ċ-ċittadinanza attiva. L-individwi huma fil-qalba tal-filantropija: huma liberi li jikkontribwixxu r-riżorsi privati tagħhom lill-kawżi ta’ benefiċċju pubbliku u li jagħmlu dan billi jappoġġjaw jew joħolqu organizzazzjonijiet filantropiċi marbuta bil-prinċipji tat-trasparenza u r-responsabbiltà.

2.4.

Il-flussi filantropiċi huma protetti mil-libertajiet tat-Trattat tal-UE. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u speċifikament id-dritt ta’ assoċjazzjoni jagħtu liċ-ċittadini l-libertà li joħolqu u jorganizzaw strutturi għall-filantropija. Ħafna minnhom jippromovu l-valuri tal-UE kif deskritti fl-Artikolu 2 tat-Trattat tal-UE, li jinkludu r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.

2.5.

Il-filantropija għandha l-għan li toħloq soċjetà ffokata fuq il-koeżjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva, is-sodisfazzjon u l-opportunitajiet indaqs. Dawn huma valuri importanti għas-soċjetà tagħna. L-għadab għall-inġustizzja, l-indukrar ta’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli, il-kompassjoni, l-aspirazzjonijiet għal futur innovattiv u r-responsabbiltà għall-preservazzjoni ta’ natura u kultura prezzjuża huma s-sors ta’ dan kollu. Immotivati minn dawn il-valuri, ħafna individwi u organizzazzjonijiet filantropiċi joffru soluzzjonijiet u riżultati tanġibbli.

2.6.

Is-settur filantropiku tal-Ewropa huwa magħmul minn diversi tipi ta’ donaturi u entitajiet filantropiċi. Għalkemm m’hemmx studju wieħed, aġġornat u komprensiv dwar il-filantropija Ewropea li jkopri l-Istati Membri kollha tal-UE, għandna xi data indikattiva dwar is-settur. Fl-2016, data miġbura min-Netwerk tad-Donaturi u l-Fondazzjonijiet fl-Ewropa (DAFNE) u analizzata miċ-Ċentru tal-Fondazzjoni tal-Istati Uniti indikat li hemm aktar minn 147 000“fondazzjoni ta’ benefiċċju pubbliku”reġistrati fl-Ewropa, bi nfiq annwali kkombinat ta’ kważi EUR 60 biljun. Dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq l-aħħar data disponibbli minn 24 pajjiż Ewropew, inklużi 18-il Stat Membru tal-UE. Fl-2017, studju ppubblikat min-Netwerk Ewropew tar-Riċerka dwar il-Filantropija (1) pprovda ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-għoti filantropiku mill-unitajiet domestiċi, il-korporazzjonijiet, il-fondazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku u l-lotteriji għall-karità f’20 pajjiż Ewropew (19-il Stat Membru tal-UE u l-Iżvizzera) abbażi ta’ sorsi tad-data mill-2013. Għal dawn l-20 pajjiż, huwa stmat li l-kontribuzzjonijiet filantropiċi fl-Ewropa jammontaw għal mill-inqas EUR 87,5 biljun fis-sena (l-istima l-aktar baxxa).

3.   Rwol u valur

3.1.

Inizjattivi filantropiċi jindirizzaw kwistjonijiet tas-soċjetà fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew u internazzjonali. L-għoti filantropiku jkopri kawżi ta’ benefiċċju pubbliku, mill-promozzjoni tal-pluralità tal-ideat, is-soċjetajiet inklużivi, l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltajiet, ir-Rom u l-migranti, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni, il-kwistjonijiet ambjentali, l-arti u l-kultura, in-negozji ġodda u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fl-oqsma kollha rilevanti għall-UE.

3.2.

In-natura diversa tal-filantropija tfisser li s-settur huwa kapaċi jindividwa, jintervjeni u jappoġġja oqsma ta’ interess speċifiku meta l-atturi tas-suq u tal-gvern ikollhom aktar diffikultà biex jagħmlu dan (2). Ħafna drabi dawn jaġixxu bħala katalisti għall-innovazzjoni u l-ideat ġodda. L-azzjoni filantropika hija vantaġġ meta wieħed jiġi biex jiskopri u jipprova metodoloġiji ġodda biex jiġu solvuti kwistjonijiet tas-soċjetà. Il-filantropija tipprova, spiss tirnexxi, u xi kultant tfalli iżda dejjem ser titgħallem u taqsam l-aħjar prattiki tagħha.

3.3.

F’ħafna każijiet, l-atturi pubbliċi (bħall-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali) u l-atturi filantropiċi jaħdmu fi sħubija biex jikkomplementaw lil xulxin f’attivitajiet li jżommu lis-soċjetà tagħna b’saħħitha. Il-filantropija ser iżżid l-impatt tagħha jekk tista’ tiġi appoġġjata mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-KESE huwa konxju li l-filantropija tgħin lin-nies, iżda mhijiex parti mill-“mudell soċjali Ewropew”(protezzjoni soċjali bbażata fuq is-solidarjetà, servizzi pubbliċi, djalogu soċjali) u ma tistax teħodlu postu. Huwa konxju wkoll li l-filantropija tista’ tonqos lil dawk l-aktar fil-bżonn. Jirrakkomanda li s-sistemi solidali ta’ protezzjoni soċjali jiġu ppreservati u żviluppati, u jirrikonoxxi l-għajnuna li jipprovdu l-organizzazzjonijiet filantropiċi lil dawn il-popolazzjonijiet.

3.4.

Il-filantropija hija miftuħa għal kulħadd; kulħadd jista’ jagħti. Miljuni ta’ donaturi u finanzjaturi individwali u korporattivi diġà huma impenjati fl-Ewropa kull sena. Primarjament dan huwa dwar il-passjoni, il-gratitudni u l-impenn għal kwistjonijiet tas-soċjetà fil-komplementarjetà mal-azzjoni pubblika. Hemm ħafna modi kif individwi u organizzazzjonijiet, inklużi l-kumpaniji, jistgħu jagħtu lil kawżi ta’ benefiċċju pubbliku. Dawn ivarjaw minn għotjiet/donazzjonijiet filantropiċi jew investimenti b’impatt soċjali sal-ħolqien ta’ fondi orjentati mid-donatur jew il-ħolqien ta’ organizzazzjoni filantropika privata indipendenti b’viżjoni fit-tul.

3.5.

Il-kwistjonijiet filantropiċi huma transnazzjonali, transkonfinali u Ewropej: il-kwistjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku (bħat-tibdil fil-klima u r-riskji tas-saħħa) ma jieqfux fil-fruntieri u l-Ewropej qegħdin jivvjaġġaw dejjem aktar. L-organizzazzjonijiet filantropiċi u d-donaturi għalhekk jaħdmu dejjem aktar fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri u f’kollaborazzjoni ma’ msieħba minn madwar l-Ewropa kollha, minkejja l-eżistenza ta’ ostakli legali għall-filantropija transkonfinali. L-atturi filantropiċi huma impenjati wkoll għall-valuri u l-inizjattivi globali bħall-SDGs u l-ftehim dwar il-klima u jippromovu l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali.

3.6.

Fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet filantropiċi oħra jistgħu jaġixxu ta’ “promoturi”, u jgħaqqdu flimkien lid-diversi partijiet interessati meħtieġa biex isolvu sfida partikolari.

3.7.

Xi gvernijiet nazzjonali qegħdin jintroduċu jew jikkunsidraw li jintroduċu regoli aktar stretti li qed inaqqsu l-ispazju operattiv għall-filantropija, taħt il-pressjoni tad-diskors pubbliku dejjem aktar negattiv fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (3). Il-mekkaniżmi li jippromovu l-filantropija u ambjent globali abilitanti huma madankollu essenzjali biex tinħoloq kultura tal-għoti. Il-limitazzjoni tal-ispazju operattiv tista’ twassal għal żieda fl-isfiduċja pubblika tar-rwol siewi moqdi mis-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tal-iżvilupp tas-soċjetà kollha kemm hi.

4.   L-ostakli li għandhom jingħelbu sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-filantropija fl-Ewropa

4.1.

Biex tillibera l-potenzjal sħiħ tagħha, il-filantropija u l-forom organizzati tagħha jeħtieġu ambjent favorevoli fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Dan jinkludi kultura soċjali favorevoli u ambjent legali li jistimula l-involviment filantropiku. L-istudju li twettaq fl-2018 minn Oonagh Breen (4) intitolat Enlarging the Space for European Philanthropy żvela li filwaqt li l-kumpaniji jistgħu, fi ħdan is-suq uniku tal-UE, jiċċaqilqu b’mod liberu bejn il-fruntieri għall-flussi ta’ kapital bi profitt mingħajr restrizzjonijiet żejda, dan għadu mhux il-każ għall-organizzazzjonijiet filantropiċi u l-flussi filantropiċi. Barra minn hekk, żviluppi inkwetanti dwar l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ta’ finanzjament barrani f’xi pajjiżi tal-UE u dejjem aktar pressjoni fuq l-aġenda tas-sigurtà qed jikkontestaw il-marġni ta’ manuvra operattiv.

4.2.

Il-filantropija organizzata hija msieħeb ewlieni fid-djalogu ċivili, li teħtieġ infurzar aktar b’saħħtu (5). L-organizzazzjonijiet filantropiċi u d-donaturi qegħdin dejjem aktar jaħdmu bejn il-fruntieri u f’kollaborazzjoni mal-imsieħba iżda jiltaqgħu ma’ diversi ostakli legali, amministrattivi u fiskali:

L-ewwel nett, l-organizzazzjonijiet filantropiċi xi kultant iridu jirreġistraw qabel ma jkunu jistgħu joperaw f’pajjiż ieħor. Il-personalità ġuridika mhux dejjem tiġi rikonoxxuta barra mill-pajjiż.

It-tieni nett, ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi biex il-kwartieri ġenerali tal-organizzazzjoni filantropika jiġu trasferiti f’pajjiż ieħor u għalhekk dan il-proċess jinvolvi livell għoli ta’ inċertezza legali.

L-entitajiet filantropiċi ma jistgħux jingħaqdu lil hinn mill-fruntieri bħalma jistgħu jagħmlu l-kumpaniji.

Il-gvernijiet għandhom joqogħdu lura milli jneħħu l-inċentivi previsti għal donazzjonijiet u sponsorizzazzjonijiet għall-organizzazzjonijiet filantropiċi inklużi f’kuntesti transkonfinali, speċjalment għal dawk li joffru servizzi li mhumiex koperti mis-suq jew mill-awtoritajiet pubbliċi.

Hemm ukoll ostakli fiskali u amministrattivi li jxekklu l-ħidma, speċjalment għall-filantropija transkonfinali, peress li l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fiskali għadu mhux implimentat b’mod ugwali u b’mod sinifikanti mill-Istati Membri għall-filantropija transkonfinali (6).

4.3.

Barra minn hekk, qed naraw restrizzjonijiet fuq il-finanzjament barrani, meta l-finanzjament filantropiku għandu jiċċirkola liberament skont il-prinċipju tal-UE tal-moviment liberu tal-kapital u f’xi okkażjonijiet, il-politiki ta’ sigurtà fil-livell nazzjonali u tal-UE jiddubitaw il-marġni ta’ manuvra. Filwaqt li l-aġenda ta’ sigurtà hija ta’ importanza kbira u tħassib konġunt, hemm bżonn ta’ kawtela fir-rigward ta’ konsegwenzi potenzjali mhux intenzjonati għas-settur. Il-miżuri ta’ politika għandhom ikunu bbażati fuq ir-riskji u jkunu proporzjonati.

4.4.

Is-settur filantropiku huwa attiv ukoll fl-indirizzar tal-estremiżmu u fl-għoti ta’ appoġġ umanitarju. L-għarfien u l-kompetenza tiegħu huma ta’ vantaġġ sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.

4.5.

L-ambjent politiku: fil-livell nazzjonali u speċjalment f’dak Ewropew, jeħtieġ li tittejjeb il-perċezzjoni tar-rwol komplementari li taqdi l-filantropija fir-rigward tal-azzjoni pubblika. Il-filantropija għadha relattivament nieqsa mid-dibattitu fl-istituzzjonijiet Ewropej.

5.   It-tkabbir filantropiku u l-potenzjal

5.1.

Il-filantropija qed tikber b’rata mgħaġġla. Fl-aħħar deċennju, għadd dejjem akbar ta’ inizjattivi privati indirizzaw kwistjonijiet tas-soċjetà li l-gvernijiet u l-atturi ekonomiċi għandhom diffikultà biex isolvu waħedhom u saru pedament kruċjali għas-soċjetà tagħna. Il-KESE jiddispjaċih dwar l-impatt negattiv li kellha l-kapaċità mnaqqsa tal-gvernijiet li jipprovdu protezzjoni u servizzi soċjali liċ-ċittadini tagħhom. F’dan il-kuntest, it-tisħiħ tal-kondizzjonijiet li taħthom tista’ tiffjorixxi l-filantropija huwa kwistjoni attwali ħafna. L-organizzazzjonijiet filantropiċi moderni Ewropej m’ilhomx fis-seħħ. In-numru ta’ fondazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku żdied b’rata mgħaġġla tul dawn l-aħħar għoxrin sa tletin sena. Pereżempju, bejn l-2001 u l-2014, in-numru ta’ fondazzjonijiet Franċiżi żdied b’aktar mid-doppju. Fil-Belġju, aktar minn nofs il-fondazzjonijiet li kienu jeżistu fl-2012 ġew stabbiliti wara l-1995, u s-settur kiber b’rata mgħaġġla f’dawn l-aħħar għaxar snin. Fi Spanja, aktar minn 70 % tal-fondazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku li kienu jeżistu fl-2014 ġew stabbiliti wara l-1994 (7).

5.2.

L-għoti u l-involviment filantropiku ilhom jikbru b’mod kostanti f’diversi pajjiżi Ewropej, b’mod partikolari f’dawn l-aħħar ftit snin. Il-barometri filantropiċi jindikaw dan it-tkabbir madwar l-Ewropa kollha.

5.3.

L-involviment fil-komunità u l-filantropija lokali qegħdin jikbru. Il-fondazzjonijiet fil-komunità madwar l-Ewropa kollha issa huma indispensabbli għall-koeżjoni soċjali.

5.4.

Il-ġenerazzjoni żagħżugħa hija impenjata b’mod partikolari għall-ġid komuni, u hija involuta b’diversi modi ġodda. Ir-riċerkaturi qed jenfasizzaw moviment globali, valuri ġodda u l-impatt pożittiv tal-iżviluppi teknoloġiċi (crowdfunding, midja soċjali, kawżi globali mingħajr fruntieri, iżda wkoll inizjattivi lokali ħafna). L-investiment soċjali huwa kruċjali.

5.5.

In-nisa għandhom ukoll rwol importanti ħafna fil-filantropija fl-Ewropa. L-involviment filantropiku min-nisa qed jikber. Hemm tendenza li n-nisa jagħtu b’mod aktar attiv u inklużiv, ikunu jixtiequ jiltaqgħu man-nies li jiffinanzjaw, jikkollaboraw mal-pari tagħhom u jinvolvu lilhom infushom fil-kawża li jkunu qed jindirizzaw. In-nisa spiss jagħtu donazzjoni għal kawżi iktar kumplessi bħall-vjolenza abbażi tal-ġeneru u s-saħħa.

5.6.

L-għoti lura qiegħed isir parti mill-attività tas-settur privat. L-involviment filantropiku huwa parti tal-istrateġiji tal-kumpaniji relatati mar-responsabbiltà soċjali korporattiva fl-Ewropa kollha, kif ukoll isaħħaħhom. Aktar u aktar kumpaniji ta’ kull daqs qed jiddedikaw riżorsi finanzjarji, prodotti, għarfien u ħin għall-ġid komuni.

5.7.

Għandhom jingħataw attenzjoni u appoġġ speċjali lis-settur tal-ekonomija soċjali li qed jikber, li huwa qasam ta’ attività filantropika innovattiva. Għadd dejjem jikber ta’ nies u intraprendituri qed iduru lejn mudelli ta’ negozju tal-ekonomija soċjali, li huma mutur ewlieni ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli (8).

6.   It-tisħiħ tal-filantropija fl-Ewropa

6.1.

Ir-rikonoxximent tal-filantropija: ir-rikonoxximent tal-valur miżjud li l-filantropija tista’ tagħti lill-koeżjoni soċjali billi tagħti spinta lill-valuri komuni u tagħmel lis-soċjetà tagħna aktar reżiljenti. Il-filantropija tiġi promossa bħala forma ta’ turija ta’ impenn soċjali. Jiġi stabbilit djalogu mal-atturi filantropiċi u jinħoloq spazju għal-leġislazzjoni u r-regolamentazzjoni li jippromovu din il-forma ta’ involviment soċjali.

6.2.

Il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-filantropija: appell lill-Istati Membri biex jistabbilixxu ambjent li jiffavorixxi l-filantropija. Jiġi żgurat li l-miżuri ta’ sigurtà nazzjonali u tal-UE jkunu bbażati fuq ir-riskju, proporzjonati u bbażati fuq l-evidenza. Tiġi skoraġġuta l-azzjoni filantropika u taċ-ċittadin. Jiġu pprovduti inċentivi biex il-privat jagħti donazzjoni għall-kawżi ta’ benefiċċju pubbliku, f’kuntest ta’ ġustizzja fiskali.

6.3.

L-iffaċilitar tal-filantropija transkonfinali: il-fluss ħieles tal-kapital huwa fil-qalba tas-suq uniku tal-UE. Tiġi żgurata l-applikazzjoni legali u prattika ta’ din il-libertà fundamentali flimkien mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-attività filantropika transkonfinali. Investimenti transkonfinali minn organizzazzjonijiet filantropiċi huma essenzjali. Għandhom jitqiesu wkoll forom ġuridiċi sovranazzjonali biex jiġi ffaċilitat l-involviment filantropiku.

6.4.

Għotjiet konġunti u investiment konġunt għall-ġid pubbliku u għal soċjetà ċivili aktar b’saħħitha: jiġi ffaċilitat l-involviment f’għodod ta’ innovazzjoni soċjali u l-ħolqien ta’ sħubijiet strateġiċi ma’ atturi filantropiċi. L-UE tista’ tisfrutta l-impatt tar-riżorsi privati għall-ġid komuni billi tintroduċi strumenti finanzjarji li jiffaċilitaw l-għotjiet konġunti u jistimulaw l-investimenti konġunti minn organizzazzjonijiet filantropiċi.

6.5.

It-tħaddin tal-innovazzjoni: ngħixu fi żmien eċċitanti għall-filantropija. Approċċi innovattivi bħall-investimenti soċjali, il-bonds b’impatt soċjali, l-investiment b’impatt soċjali u l-filantropija b’kapital ta’ riskju qegħdin jagħtu riżultati rivoluzzjonarji u jispiraw kemm kunċetti tradizzjonali ta’ karità kif ukoll prattiki korporattivi. It-teknoloġiji ġodda u l-midja soċjali jippermettu impenji u impatti ġodda rapidi. L-inizjattiva “Data for Good”u d-diġitalizzazzjoni joffru prospetti ġodda għall-filantropija madwar l-Ewropa kollha. Qiegħdha tiġi stabbilita pjattaforma transkonfinali diġitali ġdida Ewropea għall-għotjiet li tippermetti lid-donaturi mill-Ewropa kollha biex jappoġġjaw organizzazzjonijiet madwar l-Ewropa kollha. Il-partijiet interessati pubbliċi u privati għandhom jinkoraġġixxu u jiżviluppaw dawn l-inizjattivi sabiex l-filantropija ssir aktar immirata u tħalli impatt.

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  www.ernop.eu

(2)  Ara, pereżempju, il-każ tal-NGO Belġjana Kick Cancer, li tiffinanzja r-riċerka għall-iżvilupp ta’ mediċini għat-tfal bil-kanser, https://kickcancer.org/?locale=en

(3)  Ara l-istudju tal-2018 tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali dwar l-ispazju tas-soċjetà ċivili li jelenka l-isfidi f’pajjiżi differenti tal-UE għas-soċjetà ċivili inkluż l-ispazju tal-filantropija – https://fra.europa.eu/en/publication/2018/challenges-facing-civil-society-orgs-human-rights-eu

(4)  Enlarging the space for European philanthropy

(5)  Pjan ta’ Azzjoni tal-Grupp ta’ Kuntatt tal-KESE għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 11(1) u 11(2) tat-TUE.

(6)  Boosting cross-border philanthropy in Europe: towards a tax-effective environment (studju mwettaq miċ-Ċentru Ewropew tal-Fondazzjonijiet (EFC) u minn Transnational Giving Europe (TGE)), minn Hanna Surmatz u Ludwig Forrest, Mejju 2017

(7)  http://www.fundaciones.org/EPORTAL_DOCS/GENERAL/AEF/DOC-cw585d042d56ecf/Aefsectorfundacional3erInforme3.pdf

(8)  Il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa – Kunsill tal-UE, 7 ta’ Diċembru 2015


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/29


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar miżuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT”

(COM (2018) 813 final — 2018/0413 (CNS))

(2019/C 240/07)

Relatur: Krister ANDERSSON

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20.12.2018

Bażi legali

L-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

13.12.2018

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

12.4.2019

Adottata fil-plenarja

15.5.2019

Sessjoni plenarja Nru

543

Riżultat

(favur/kontra/astensjonijiet)

212/2/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kollaborazzjoni operattiva avvanzata bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fir-rigward tal-frodi tal-VAT fis-settur tal-kummerċ elettroniku abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi ċari.

1.2.

Il-KESE jirrakkomanda li r-reazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi għal forom sofistikati ta’ frodi tal-VAT titjieb b’mod kontinwu fir-rigward tal-effettività tal-infurzar (bl-użu ta’ teknoloġiji xierqa bħal, pereżempju, intelliġenza artifiċjali) u f’termini ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali involuti. Dawn l-awtoritajiet għandhom jaħdmu f’sinerġija biex jiggarantixxu tweġiba Ewropea komprensiva u effettiva għall-frodi tal-VAT.

1.3.

Fl-istess ħin, il-KESE jinnota li – min-naħa tal-konsumatur — il-proposta ser iġġarrab skambji ġodda u pproċessar ta’ informazzjoni personali relatata mal-VAT, irregolata mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (“GDPR”). Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li d-derogi u l-limitazzjonijiet għad-dispożizzjonijiet tal-GDPR jinżammu limitati u mmirati lejn l-objettiv definit b’mod strett tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Bħala eċċezzjonijiet speċifiċi għar-regoli ġenerali u obbligatorji li jipproteġu d-data personali u l-privatezza individwali, tali derogi għandhom jiġu interpretati b’mod strett u b’attenzjoni mill-infurzaturi tal-liġi.

1.4.

F’dan ir-rigward għandha tingħata attenzjoni kbira i) lill-objettiv tal-ipproċessar tad-data, li ser ikun possibbli biss sabiex tiġi miġġielda mġieba illegali; ii) lill-individwi li għandhom permess jaċċessaw id-data miġbura, maħżuna u skambjata, li għandhom ikunu biss uffiċjali ta’ Eurofisc taħt kundizzjonijiet speċifiċi u għal skopijiet magħrufa sew u limitati relatati mal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT; iii) lill-użu sussegwenti tad-data sabiex jitniedu investigazzjonijiet u attivitajiet tal-infurzar tal-liġi potenzjali.

1.5.

L-aspetti kollha msemmija hawn fuq jitqiesu formalment mill-proposta tal-Kummissjoni u dan żgur huwa karatteristika pożittiva tal-proposta stess. Minkejja dan, il-KESE jappella li l-Kummissjoni tiggarantixxi, fil-prattika ta’ kuljum tas-sistema fil-ġejjieni, implimentazzjoni sħiħa u effettiva tas-salvagwardji kollha għal-libertajiet fundamentali inkorporati fil-proposta, biex b’hekk jintlaħaq bilanċ xieraq bejn l-infurzar robust tar-regoli tal-VAT u l-protezzjoni neċessarja tad-drittijiet individwali u l-libertajiet fundamentali.

2.   Proposta tal-Kummissjoni u kuntest ġenerali

2.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġi emendat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tistabbilixxi regoli għall-Istati Membri biex dawn jiġbru b’mod armonizzat ir-rekords magħmula disponibbli elettronikament mill-fornituri tas-servizzi ta’ pagament skont l-Artikolu 243(b) tad-Direttiva tal-VAT.

2.2.

Is-settur tal-kummerċ elettroniku ra tkabbir spettakolari f’dawn l-aħħar snin u l-konsumaturi issa jistgħu faċilment jagħżlu bejn eluf ta’ fornituri, prodotti u marki permezz tal-kompjuters jew l-ismartphones tagħhom. Madankollu, dawn l-opportunitajiet huma sfruttati wkoll minn negozji frawdolenti biex jevitaw l-obbligi tal-VAT tagħhom.

2.3.

It-telf totali tal-VAT fl-Istati Membri fuq provvisti transkonfinali ta’ merkanzija ġie stmat għal madwar EUR 5 biljun fis-sena u, aktar reċentement, din l-istima ġiet aġġornata biex tilħaq ammont ferm aktar notevoli li jvarja minn EUR 7 sa 10 biljun. Għalhekk hemm bżonn ta’ rispons qawwi f’isem l-awtoritajiet pubbliċi u dan għandu jkun ibbażat fuq kollaborazzjoni effettiva bejn l-infurzaturi tat-taxxa kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali.

2.4.

F’termini prattiċi, il-proposta tistabbilixxi sistema elettronika ġdida ċentrali għall-ġbir, il-ħażna u l-ipproċessar tal-informazzjoni dwar il-pagament u għall-ipproċessar ulterjuri ta’ din l-informazzjoni minn uffiċjali ta’ kontra l-frodi fl-Istati Membri fi ħdan il-Eurofisc, in-netwerk għall-iskambju multilaterali ta’ sinjali ta’ twissija bikrija biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT.

2.5.

Wara analiżi bir-reqqa u estensiva tal-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni tqis li sistema Ewropea ċentrali għall-ġbir u l-iskambju ta’ data dwar il-pagamenti (“CESOP”) hija l-aktar mod effettiv biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom ħarsa ġenerali sħiħa sabiex jikkontrollaw il-konformità mar-regoli tal-VAT dwar il-kummerċ elettroniku u biex jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT. Is-sistema ser tippermetti lill-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar il-pagamenti li jaħżnu fil-livell nazzjonali, biex tgħin fil-ġlieda effettiva kontra l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku.

2.6.

Is-CESOP ser tkun tista: i) tiġbor l-informazzjoni kollha dwar il-pagamenti tal-VAT skont kull prenditur mibgħuta mill-Istati Membri, ii) tippermetti l-ħolqien ta’ ħarsa ġenerali sħiħa tal-pagamenti riċevuti mill-prendituri mingħand il-pagaturi fl-UE; iii) tirrikonoxxi kwalunkwe reġistrazzjoni multipla tal-istess tranżazzjoni ta’ pagament; iv) tnaddaf l-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri; v) tippermetti lill-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc jikkontroverifikaw id-data dwar il-pagamenti mal-informazzjoni dwar il-VAT skambjata; vi) iżżomm l-informazzjoni biss għall-perjodu meħtieġ biex l-awtoritajiet tat-taxxa jwettqu kontrolli tal-VAT.

2.7.

Il-perjodu ta’ ħażna tal-informazzjoni fis-CESOP huwa ta’ sentejn u l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc ser ikunu jistgħu jaraw jekk il-pagamenti riċevuti minn prenditur partikolari f’perjodu partikolari jaqbżux l-EUR 10 000 fl-Istati Membri kollha. Is-sistema tkun aċċessibbli biss għall-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc mill-Istati Membri, u l-uniku skop li għalih is-CESOP tippermetti inkjesti jkun ta’ investigazzjonijiet dwar frodi tal-VAT suspettata jew misjuba.

2.8.

Il-Kummissjoni ser tagħti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-għodda l-ġdida ta’ kooperazzjoni amministrattiva kull ħames snin.

3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1.

Il-KESE jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kollaborazzjoni avvanzata operattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fir-rigward tal-frodi tal-VAT fis-settur tal-kummerċ elettroniku abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi ċari. It-trawwim ta’ assistenza amministrattiva reċiproka bejn l-awtoritajiet tat-taxxa ser jiżgura żieda fir-riżorsi finanzjarji kemm għall-baġits nazzjonali kif ukoll tal-UE, kif ukoll kundizzjonijiet ekwi u semplifikati għan-negozji li jirrispettaw it-taxxi.

3.2.

L-użu dejjem jikber ta’ teknoloġiji ta’ komunikazzjoni minn operaturi tas-suq jinvolvi l-ħtieġa li l-leġislazzjoni kontra l-frodi tiġi aġġornata b’mod kostanti biex tirrifletti d-diversi modi li bihom jiġu evitati r-regoli tat-taxxa u l-obbligi tal-VAT. Għalhekk huwa kruċjali li r-reazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi għal forom sofistikati ta’ frodi tal-VAT titjieb b’mod kontinwu fir-rigward tal-effettività tal-infurzar (bl-użu ta’ teknoloġiji xierqa) u f’termini ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali involuti. Dawn l-awtoritajiet għandhom jaħdmu f’sinerġija bl-appoġġ tal-Kummissjoni biex tiġi garantita tweġiba Ewropea komprensiva u effettiva għall-frodi tal-VAT skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit mit-Trattati.

3.3.

F’dan ir-rigward, skont il-KESE, l-investiment fl-intelliġenza artifiċjali sabiex tiġi skoperta l-frodi tal-VAT fi ħdan is-sistema l-ġdida li qed tinbena jista’ jkun ta’ benefiċċju u utli sabiex is-sistema l-ġdida titħaddem b’mod sħiħ, sakemm id-drittijiet fundamentali tal-individwi u regoli speċifiċi tal-UE, bħar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) (1), jiġu rrispettati bis-sħiħ fix-xenarju operattiv il-ġdid, bl-involviment tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda u l-intelliġenza artifiċjali biex tiġi appoġġjata l-attività tal-infurzaturi pubbliċi.

3.4.

In-natura transkonfinali tal-frodi tal-VAT u l-mod faċli (aġevolat mit-teknoloġija), li bih jiġu żviluppati malajr il-prattiki illegali — pereżempju l-faċilità li biha jistgħu jiġu trasferiti l-flus miksuba mill-frodi tal-VAT — jirrikjedu li tiġi żviluppata kooperazzjoni aktar mill-qrib mhux biss fi ħdan l-UE, iżda wkoll bejn l-awtoritajiet fil-livell globali. Il-miżuri għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT jistgħu jirnexxu biss jekk l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-pajjiżi jikkooperaw aktar mill-qrib fi spirtu ta’ fiduċja reċiproka, li ser jeħtieġu l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom.

3.5.

Għal dan il-għan, l-OECD tirrakkomanda li tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva internazzjonali dwar il-VAT jew it-taxxa fuq il-bejgħ biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ġbir tal-VAT mingħand fornituri mhux residenti, b’mod partikolari fil-kummerċ B2C, kif osservat b’mod xieraq mill-analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni.

3.6.

Pass ’il quddiem f’din id-direzzjoni huwa l-ftehim bejn l-UE u n-Norveġja fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT (Ġunju 2018) li jinkludi wkoll strumenti speċifiċi għall-irkupru ta’ talbiet tal-VAT. Il-KESE jittama li l-UE ser tkompli tippromovi l-kooperazzjoni internazzjonali kontra l-frodi sabiex tiżviluppa reazzjoni effettiva u koordinata għal attivitajiet li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-Istati u dawk kontinentali, u b’hekk jagħmlu ħsara kemm lill-UE kif ukoll lill-baġits nazzjonali.

3.7.

Il-KESE jenfasizza li, min-naħa tal-konsumatur, il-proposta ser iġġarrab skambji ġodda u l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali relatata mal-VAT, irregolata mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), li ġie approvat u implimentat dan l-aħħar fl-Ewropa, bi spejjeż ta’ konformità sinifikanti għan-negozji tal-UE.

3.8.

Il-GDPR jagħti definizzjoni wiesgħa ta’ data personali, inkluża kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, li tista’ tiġi identifikata direttament jew indirettament. Bħala konsegwenza, l-informazzjoni dwar il-pagament koperta mill-proposta tal-Kummissjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni u l-prinċipji applikabbli għall-protezzjoni tad-data personali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

3.9.

Skont il-Kummissjoni, “it-tassazzjoni hija għan importanti ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni u tal-Istati Membri u dan ġie rikonoxxut b’rabta mar-restrizzjonijiet li jistgħu jkunu imposti fuq l-obbligi u d-drittijiet skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni skont il-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Il-limitazzjonijiet b’rabta mad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data huma meħtieġa minħabba n-natura u l-volum ta’ dik l-informazzjoni li toriġina mingħand il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament u jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-kundizzjonijiet speċifiċi u definiti minn qabel u d-dettalji stipulati fl-Artikoli 243b sa 243d tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE” (4).

3.10.

Il-KESE jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li d-derogi u l-limitazzjonijiet għad-dispożizzjonijiet tal-GDPR jinżammu limitati u mmirati lejn l-objettiv uniku u definit b’mod strett tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Bħala eċċezzjonijiet speċifiċi għar-regoli ġenerali u obbligatorji li jipproteġu d-data personali u l-privatezza individwali, tali derogi għandhom jiġu interpretati b’mod strett u b’attenzjoni mill-infurzaturi tal-liġi. F’dan ir-rigward għandha tingħata attenzjoni kbira (i) lill-objettiv tal-ipproċessar tad-data, li ser ikun possibbli biss sabiex tiġi miġġielda mġieba illegali; (ii) lill-individwi li għandhom permess jaċċessaw id-data miġbura, maħżuna u skambjata, li għandhom ikunu biss uffiċjali ta’ Eurofisc taħt kundizzjonijiet speċifiċi u għal skopijiet magħrufa sew u limitati relatati mal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT; (iii) lill-użu sussegwenti tad-data sabiex jitniedu investigazzjonijiet u attivitajiet tal-infurzar tal-liġi potenzjali.

3.11.

L-aspetti kollha msemmija hawn fuq jitqiesu formalment mill-proposta tal-Kummissjoni u dan żgur huwa karatteristika pożittiva tal-proposta stess. Minkejja dan, il-KESE jappella li l-Kummissjoni tiggarantixxi, fil-prattika ta’ kuljum tas-sistema fil-ġejjieni, implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-garanziji kollha għal-libertajiet fundamentali inkorporati fil-proposta, biex b’hekk jintlaħaq bilanċ xieraq bejn l-infurzar robust tar-regoli tal-VAT u s-salvagwardja neċessarja tad-drittijiet individwali u l-libertajiet fundamentali.

3.12.

Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-KESE jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimmonitorjaw bir-reqqa u jivverifikaw jekk ir-regoli li jillimitaw l-użu tad-data u l-informazzjoni fi ħdan il-proposta, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-GDPR, humiex qed jiġu osservati bis-sħiħ u b’mod konkret. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex hi u tiġbor feedback mill-Istati Membri li għandu jitlesta sal-aħħar tal-2024, tivverifika bir-reqqa — flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-protezzjoni tad-data personali u s-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data — jekk id-dispożizzjonijiet tal-GDPR ikunux ġew osservati għalkollox u tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-għodda l-ġdida ta’ kooperazzjoni amministrattiva (Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010). Jekk jiġu identifikati distorsjonijiet jew irregolaritajiet, dawn għandhom ovvjament jiġu evitati u kkoreġuti immedjatament.

3.13.

Fir-rigward tal-protezzjoni tan-negozji Ewropej li joperaw fil-qasam tal-kummerċ elettroniku, il-KESE jirrakkomanda li s-sistema l-ġdida tkun kapaċi tissalvagwardja b’mod effettiv u tiggarantixxi sigrieti ta’ negozju kemm fl-istadju preliminari ta’ monitoraġġ tal-ġbir u l-analiżi tad-data kif ukoll b’mod speċjali fl-istadju (ipotetiku) sussegwenti tal-infurzar tal-liġi. F’dan ir-rigward, l-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni Ewropea fil-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u s-sigrieti industrijali fil-każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tista’ tkun utli bħala standard komparattiv.

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A32016R0679

(2)  Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32016R0679&from=MT

(3)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32018R1725&from=MT

(4)  Direttiva dwar il-VAT: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32006L0112&from=MT


16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/33


Opinjoni tas-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-introduzzjoni ta’ ċerti rekwiżiti għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagament”

(COM(2018) 812 final — 2018/0412 (CNS))

u dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ bejgħ b’distanza ta’ merkanzija u ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija”

(COM(2018) 819 final — 2018/0415(CNS))

(2019/C 240/08)

Relatur: Krister ANDERSSON

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20.12.2018

Bażi ġuridika

L-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

12.4.2019

Adottata fil-plenarja

15.5.2019

Sessjoni plenarja nru

543

Riżultat

(favur/kontra/astensjonijiet)

209/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni li tintroduċi aktar regoli li jiżguraw il-proporzjonalità u jsaħħu ċ-ċertezza legali għan-negozjanti li joperaw interfaċċi elettroniċi, li jiffaċilitaw il-provvista ta’ prodotti lill-konsumaturi fl-UE, speċjalment meta jiġu trattati bħala fornituri.

1.2.

Il-KESE jappoġġja wkoll l-iskop tal-Kummissjoni li tiġi stabbilita kooperazzjoni regolari mal-fornituri tal-pagamenti abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi ċari. Ir-riżultati promettenti mistennija wara l-implimentazzjoni tal-miżuri l-ġodda se jiżguraw aktar riżorsi għall-baġits nazzjonali u tal-UE, kif ukoll kundizzjonijiet ekwi u simplifikati għan-negozji li jimxu mar-regolamenti tat-taxxa.

1.3.

Il-KESE jinnota li l-approċċ regolatorju adottat mill-Kummissjoni huwa konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, peress li l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku hija komuni għall-Istati Membri kollha u li l-leġislazzjoni Ewropea hija l-aktar għodda effiċjenti biex tappoġġja b’mod effettiv lill-Istati Membri fil-kisba tal-informazzjoni meħtieġa biex jikkontrollaw il-provvisti transkonfinali tal-VAT. B’kuntrast, diversi inizjattivi leġislattivi mwettqa fil-livell nazzjonali ma jkunux xierqa biex jindirizzaw b’mod effettiv il-kwistjonijiet relatati mal-frodi tal-VAT u jirriżultaw f’xenarju regolatorju kkumplikat wisq.

1.4.

Madankollu, fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza li, min-naħa tal-konsumatur, il-proposta se timplika skambji ġodda u l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali relatata mal-VAT, li issa hija rregolata mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (“GDPR”) (1). F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza bil-qawwa l-importanza li jiġu rispettati bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-GDPR u l-ħtieġa li jiġi limitat l-użu tad-data għall-għan uniku u strettament limitat tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT b’mod li jkun kosteffiċjenti u aċċettabbli għall-pubbliku inġenerali.

1.5.

Fl-aħħar nett, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq investimenti adegwati f’assi fiżiċi u fl-IT sabiex tiżgura sistema ta’ repożitorju ċentrali funzjonali, filwaqt li jinnota li l-ispejjeż stmati tal-proġett jistgħu jiġu koperti faċilment u malajr mir-riżultati mistennija f’termini ta’ tnaqqis tal-frodi tal-VAT u tad-diskrepanza tal-VAT.

2.   Proposta tal-Kummissjoni u kuntest ġenerali

2.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni tintroduċi ċerti rekwiżiti għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament biex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn dawn il-fornituri u l-awtoritajiet tat-taxxa bil-għan li jittejbu l-għodod kontra l-frodi fil-qasam tal-VAT. Il-proposta hija konformi mad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, li introduċiet obbligi ġodda tal-VAT għal postijiet tas-suq online u miżuri ġodda ta’ simplifikazzjoni biex tgħin lin-negozji jikkonformaw mal-obbligi tal-VAT permezz ta’ punt uniku ta’ servizz.

2.2.

Il-proposta tal-Kummissjoni COM (2018) 819 final tintroduċi aktar regoli li għandhom itejbu l-funzjonament tal-pakkett tal-kummerċ elettroniku tal-VAT adottat f’Diċembru 2017, li se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021. Il-proposta tintroduċi aktar kjarifiki dwar it-trattament fir-rigward tal-VAT tal-fornituri li jużaw interfaċċa elettronika biex jiffaċilitaw il-provvisti ta’ oġġetti lill-konsumaturi fl-UE meta jitqiesu bħala fornituri skont l-Artikolu 14a(2) tad-Direttiva dwar il-VAT u għalhekk huma responsabbli għall-ġbir u l-ħlas tal-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa. Fil-prinċipju, skont l-Artikolu 369b tad-Direttiva 2006/112/KE (2) dwar il-VAT, il-punt uniku ta’ servizz jista’ jintuża biss biex jiġi ddikjarat u jitħallas il-VAT fuq provvisti transkonfinali ta’ servizzi u għall-bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija, u mhux għall-provvista domestika ta’ merkanzija. Madankollu, peress li l-fornituri li jbigħu prodotti permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika jista’ jkollhom stokk ta’ oġġetti fi Stati Membri differenti minn fejn ifornu provvisti domestiċi, dan ikun ifisser li n-negozjanti li joperaw tali interfaċċi elettroniċi u li jsiru fornituri għal dawn il-provvisti jkollhom jirreġistraw fl-Istati Membri kollha tal-UE, fejn il-fornituri oriġinali jkollhom stokk u jfornu provvisti domestiċi. Għalhekk, qed jiġi propost li jitħallew ukoll jużaw il-punt ta’ servizz uniku għall-provvisti domestiċi li għalihom huma trattati bħala fornituri skont l-Artikolu 14a(2) tad-Direttiva dwar il-VAT. B’hekk tinżamm is-simplifikazzjoni tal-punt uniku ta’ servizz għall-interfaċċi elettroniċi, filwaqt li jiġu evitati proċeduri ta’ piż ulterjuri għall-kumpaniji. Il-proposta tal-Kummissjoni COM (2018) 819 final tistabbilixxi regoli speċifiċi meħtieġa biex jappoġġjaw l-adozzjoni ta’ punt uniku ta’ servizz permezz ta’ xi modifiki mmirati għall-qafas legali attwali.

2.3.

Is-settur tal-kummerċ elettroniku ra tkabbir spettakolari f’dawn l-aħħar snin u l-konsumaturi issa jistgħu faċilment jagħżlu bejn eluf ta’ fornituri, prodotti u ditti mill-kompjuters jew l-ismartphones tagħhom. Madankollu, din l-opportunità hija sfruttata wkoll minn negozji qarrieqa sabiex jevitaw l-obbligi tal-VAT tagħhom.

2.4.

B’mod aktar speċifiku, hemm tliet każijiet ewlenin ta’ frodi transkonfinali tal-VAT fil-qasam tal-kummerċ elettroniku: i) provvisti intra-UE ta’ merkanzija u servizzi, ii) importazzjonijiet ta’ merkanzija minn negozji stabbiliti f’pajjiż terz għall-konsumaturi fl-Istati Membri, u iii) provvisti ta’ servizzi minn negozji stabbiliti f’pajjiż terz għall-konsumaturi fl-Istati Membri.

2.5.

It-telf totali tal-VAT fl-Istati Membri fuq provvisti ta’ merkanzija transkonfinali ġie stmat għal madwar EUR 5 biljun fis-sena u, aktar reċentement, din l-istima żdiedet għall-ammont ferm aktar notevoli ta’ bejn EUR 7 u 10 biljun. Għalhekk hemm bżonn ta’ rispons qawwi f’isem l-awtoritajiet pubbliċi u dan għandu jinvolvi, kull meta jkun meħtieġ u proporzjonat, il-kooperazzjoni tal-partijiet interessati privati.

2.6.

Il-proposta tal-Kummissjoni COM(2018)812 final għandha l-għan li tnaqqas il-problema tal-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, peress li aktar minn 90 % tax-xiri online fl-UE bħalissa qed jitwettaq permezz ta’ intermedjarju. F’dan ir-rigward, l-esperjenzi ta’ diversi Stati Membri wrew li kooperazzjoni suffiċjenti bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament tista’ twassal għal riżultati tanġibbli u rapidi fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku.

2.7.

Il-proposta se tippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa biex jiġbru u jiskambjaw l-informazzjoni dwar il-pagamenti pprovduta permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, bl-użu ta’ sistema ta’ repożitorju ċentrali li għandha tiġi żviluppata mill-Kummissjoni flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa, bil-għan li jiġi żgurat approċċ uniformi għall-ġbir u l-analiżi tad-data.

2.8.

F’termini prattiċi, ġie introdott obbligu ġdid ta’ żamma ta’ rekords għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament skont l-Artikolu 243b tad-Direttiva 2006/112/KE dwar il-VAT. L-uniċi servizzi ta’ pagament li huma rilevanti f’dan ir-rigward ser ikunu dawk li jirriżultaw fi trasferiment transkonfinali ta’ fondi lill-benefiċjarji (jew tal-persuna li taġixxi f’isem il-benefiċjarji) u biss meta l-pagatur ikun jinsab f’wieħed mill-Istati Membri. Fi kliem ieħor, skont il-proposta, il-kunċett ta’ “transkonfinali”jirreferi għat-tranżazzjonijiet fejn il-konsumatur ikun fi Stat Membru u l-fornitur ikun fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz. Il-pagamenti domestiċi mhumiex koperti mill-proposta tal-Kummissjoni.

2.9.

Sabiex jiġu esklużi trasferimenti transkonfinali tal-fondi eżegwiti għal raġunijiet privati u biex wieħed jiffoka biss fuq pagamenti marbuta ma’ attività ekonomika, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom iżommu rekords dwar dak il-benefiċjarju u jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa biss meta l-ammont totali ta’ pagamenti riċevuti minn benefiċjarju partikolari jaqbeż il-limitu massimu ta’ 25 pagament fi tliet xhur kalendarji. Limitu bħal dan ġie stabbilit billi tqies valur medju ta’ ordnijiet ta’ xiri online ta’ EUR 95 li, flimkien ma’ ammont minimu ta’ 100 tranżazzjoni ta’ pagament fis-sena, jirriżulta fi kważi EUR 10 000 f’bejgħ annwali.

2.10.

L-informazzjoni li għandha tinżamm mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ser tidentifika l-fornitur ta’ servizz ta’ pagament li jżomm ir-rekords, l-informazzjoni li tidentifika l-benefiċjarju u l-informazzjoni dwar il-pagamenti riċevuti mill-benefiċjarju. L-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tal-pagaturi mhix inkluża fl-obbligu għaż-żamma tar-rekords tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għax mhix neċessarja biex tiġi identifikata l-frodi. Il-fornituri ta’ servizz ta’ pagament huma obbligati li jżommu r-rekords għal sentejn.

3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1.

Il-KESE jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni fil-proposta tagħha COM (2018) 819 final li tintroduċi aktar regoli li jiżguraw il-proporzjonalità u jsaħħu ċ-ċertezza legali għan-negozjanti li joperaw interfaċċi elettroniċi li jiffaċilitaw il-provvista ta’ prodotti lill-konsumaturi fl-UE speċjalment meta jiġu trattati bħala fornituri.

3.2.

Il-KESE jappoġġja wkoll l-objettiv tal-Kummissjoni li tiġi stabbilita kooperazzjoni regolari mal-fornituri tal-pagamenti abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi ċari u trasparenti. Ir-riżultati promettenti mistennija wara l-implimentazzjoni tal-miżuri l-ġodda jiġġustifikaw l-isforz leġislattiv tal-Kummissjoni u se jiżguraw aktar riżorsi kemm għall-baġits nazzjonali kif ukoll tal-UE, kif ukoll kundizzjonijiet ekwi u simplifikati għan-negozji li jimxu mar-regolamenti tat-taxxa.

3.3.

Il-proposta tal-Kummissjoni ssegwi konsultazzjoni estensiva ma’ diversi partijiet interessati u b’mod partikolari mal-fornituri ta’ servizz ta’ pagament, ma’ rappreżentanti oħra tan-negozji, u mal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru. Il-KESE jfaħħar il-ġabra wiesgħa ta’ feedback u kontributi minn atturi pubbliċi u privati li wettqet il-Kummissjoni, li ċertament kienet ta’ għajnuna fit-tfassil ta’ proposta leġislattiva soda u proporzjonata.

3.4.

Il-KESE jinnota li l-approċċ regolatorju propost fil-proposta huwa konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fit-Trattati, peress li l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku hija komuni għall-Istati Membri kollha u li l-leġislazzjoni Ewropea hija l-aktar għodda effiċjenti biex tappoġġja b’mod effettiv lill-Istati Membri fil-kisba tal-informazzjoni meħtieġa biex jikkontrollaw il-provvisti transkonfinali tal-VAT. B’kuntrast, diversi inizjattivi leġislattivi mwettqa fil-livell nazzjonali ma jkunux xierqa biex jindirizzaw b’mod effettiv il-kwistjonijiet relatati mal-frodi tal-VAT u jirriżultaw f’xenarju regolatorju kkumplikat wisq.

3.5.

Il-proposta tal-Kummissjoni tirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament iżommu rekords tad-data li huma diġà għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jeżegwixxu tranżazzjonijiet ta’ pagament, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fit-Trattati u żviluppat ulterjorment mill-ġurisprudenza tal-QĠUE. Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ obbligu armonizzat fil-livell tal-UE għaż-żamma tar-rekords u t-trażmissjoni tad-data lill-awtoritajiet tat-taxxa se jillimita l-piżijiet amministrattivi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, meta jitqabbel mal-piż li jirrappreżenta fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament l-obbligu li jikkonformaw ma’ approċċi nazzjonali diverġenti.

3.6.

F’dan ir-rigward, kif intwera mill-analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt, l-armonizzazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar f’format wieħed għat-trażmissjoni tal-informazzjoni se tnaqqas l-ispejjeż tal-konformità għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, li se jkunu jistgħu jikkooperaw fl-indirizzar tal-frodi tal-VAT b’impatt raġonevoli u bbilanċjat fuq l-attivitajiet operattivi ta’ kuljum tagħhom.

3.7.

Il-livell limitu ta’ 25 pagament kull tliet xhur, ekwivalenti għal madwar EUR 10 000 fis-sena fuq il-bażi ta’ valur medju ta’ tranżazzjoni ta’ kummerċ elettroniku tal-UE ta’ EUR 95, jidher li huwa raġonevoli u proporzjonat, anki meta jitqies li, normalment, l-ammont ta’ EUR 10 000 diġà jagħti lok għal obbligi tal-VAT fl-Istati Membri. Barra minn hekk, dan l-ammont jikkorrispondi mal-livell limitu ta’ EUR 10 000 introdott fuq il-provvisti intra-UE mid-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku. Għalhekk, l-ammont minimu ta’ EUR 10 000 jidher li huwa xieraq sabiex jinstab bilanċ bejn il-protezzjoni ta’ tranżazzjonijiet purament privati - li m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ frodi tal-VAT - u l-għan li titwaqqaf sistema ta’ monitoraġġ vijabbli biex tnaqqas il-frodi. Il-Kummissjoni tal-UE għandha, madankollu, timmonitorja l-iżviluppi biex tiżgura li l-limiti jkunu xierqa maż-żmien u tniedi l-bidliet jekk ikun hemm bżonn.

3.8.

Il-KESE jenfasizza li, min-naħa tal-konsumatur, il-proposta se timplika skambji ġodda u l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali relatata mal-VAT, irregolata mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), li dan l-aħħar ġie approvat u implimentat madwar l-Ewropa bi spejjeż ta’ konformità sinifikanti għan-negozji tal-UE.

3.9.

Il-GDPR jagħti definizzjoni wiesgħa ta’ data personali, li tinkludi kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli li tista’ tiġi identifikata direttament jew indirettament. Konsegwentement, l-informazzjoni dwar il-pagamenti koperta mill-proposta tal-Kummissjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni u l-prinċipji applikabbli għall-protezzjoni tad-data personali kif stipulat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

3.10.

Skont il-Kummissjoni, “skont din l-inizjattiva se tiġi proċessata biss l-informazzjoni dwar il-pagamenti meħtieġa għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku. L-informazzjoni li se tiġi proċessata tirreferi biss għar-riċevituri tal-fondi (il-benefiċjarji) u għat-tranżazzjoni tal-pagament stess (ammont, munita, data) filwaqt li l-informazzjoni dwar il-konsumaturi li jħallsu għall-merkanzija jew is-servizzi (il-pagaturi) mhijiex parti mill-iskambju ta’ informazzjoni. Għalhekk, dik l-informazzjoni ma tintużax għal finijiet oħra, bħall-kontroll tad-drawwiet tax-xiri tal-konsumaturi. Il-pagamenti domestiċi jiġu esklużi wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattiva. Fl-aħħar nett, l-informazzjoni dwar il-pagamenti tkun disponibbli biss għall-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc tal-Istati Membri u għaż-żmien meħtieġ biss għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku.”

3.11.

Il-KESE jenfasizza bil-qawwa l-importanza li jiġu rispettati bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-GDPR u l-ħtieġa li jiġi limitat l-użu tad-data għall-għan uniku u strettament limitat tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT b’mod li jkun kosteffiċjenti u aċċettabbli għall-pubbliku inġenerali. Dwar dan il-punt, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex hi u tiġbor feedback mill-Istati Membri li għandu jitlesta sal-aħħar tal-2024, tivverifika bir-reqqa jekk id-dispożizzjonijiet tal-GDPR ikunux ġew osservati għalkollox u jekk jistgħux jiġu identifikati u kkoreġuti xi każijiet ta’ tali dispożizzjonijiet li qed jinkisru fl-Istati Membri.

3.12.

Fl-aħħar nett, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadatta l-investiment fl-assi fiżiċi u l-IT sabiex tiżgura sistema ta’ repożitorju ċentrali funzjonali, filwaqt li tinnota li l-ispejjeż stmati tal-proġett - EUR 11,8 miljun biex jiġi stabbilit u EUR 4,5 miljun biex jitmexxa kull sena - jistgħu faċilment u malajr jiġu koperti mir-riżultati mistennija f’termini ta’ tnaqqis tal-frodi tal-VAT u tad-diskrepanza tal-VAT, peress li t-telf totali tal-VAT relatat ma’ provvisti ta’ merkanzija transkonfinali jaqbeż il-EUR 5 biljun u l-valur totali tal-bejgħ online fl-2017 ammonta għal madwar EUR 600 biljun.

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data — https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A32016R0679

(2)  Direttiva dwar il-VAT 2006/112/KE, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/?uri=celex:32006L0112.


16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/37


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: Tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent”

(COM(2018) 673 final)

(2019/C 240/09)

Relatur: Mindaugas MACIULEVIČIUS

Korelatur: Udo HEMMERLING

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 14.12.2018

Bażi legali

L-Artikoli 29(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Bureau

16.10.2018

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, Żvilupp Rurali u Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

25.4.2019

Adottata fil-plenarja

15.5.2019

Sessjoni plenarja Nru

543

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

203/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Jeżisti sens ta’ urġenza globali: l-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima u t-tkabbir tal-popolazzoni madwar id-dinja kollha qed jitolbuna li, bħala kwistjoni ta’ urġenza, insibu sostituti għall-fjuwils fossili u nużaw il-bijoriżorsi b’mod aktar effiċjenti. L-agrikoltura u s-settur ibbażat fuq il-foresti huma produtturi ewlenin tal-bijomassa għal użi oħra għajr l-ikel jew l-għalf u bħala tali huma kontributuri importanti għall-bijoekonomija. Ktajjen tal-valur ġodda joffru opportunitajiet addizzjonali għall-attivitajiet fl-ekonomija rurali biex issir bidla minn ekonomija bbażata fuq il-fjuwils fossili għal ekonomija b’bażi bijoloġika.

1.2.

F’dan l-isfond, għarfien aħjar tal-konsum tagħna tal-bijoriżorsi jrid jingħata prijorità f’konformità mal-objettivi klimatiċi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Lil hinn mill-kisba ta’ fehim aħjar, jeħtieġ li l-attivitajiet tal-bijoekonomija jinvolvu lill-konsumaturi permezz ta’ pariri u informazzjoni regolari, sabiex jiġu ffaċilitati l-bidliet meħtieġa u titwitta t-triq għall-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ ħolqien tas-suq biex tingħata spinta akbar lill-fiduċja tal-konsumaturi u l-użu ta’ bijoprodotti li huma magħmula fl-UE min-naħa tax-xerrejja pubbliċi.

1.3.

Jeżistu opportunitajiet għall-bijodiversità, l-industrija, l-iżvilupp ekonomiku u l-impjiegi. Il-KESE jilqa’ l-aġġornament tal-Istrateġija tal-2012 dwar il-Bijoekonomija li huwa pass importanti fid-direzzjoni t-tajba. Hemm domanda globali għal bijoprodotti sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi. Madankollu, minkejja l-progress sinifikanti li sar fil-verżjoni l-ġdida, xi wħud mill-miżuri inklużi għad iridu jiġu implimentati:

1.3.1.

Minbarra l-aċċess għal strumenti finanzjarji, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti servizzi ta’ konsulenza jew ta’ pariri individwali u flessibbli sabiex l-SMEs agroalimentari jkunu megħjuna fit-tnedija ta’ proġetti fit-tul u innovattivi. Ta’ spiss dawn ma jkollhomx il-kompetenza jew l-għarfien interni meħtieġa għal bosta raġunijiet, inklużi riżorsi umani, finanzjarji u tal-infrastruttura.

1.3.2.

Il-kooperazzjoni pubblika-privata għandha tagħti attenzjoni xierqa lill-produtturi primarji. Dan il-mudell jista’ jiġi appoġġjat b’firxa ta’ miżuri u strumenti skont il-Politika Agrikola Komuni (PAK).

1.3.3.

Il-fatt li l-attivitajiet tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-bijoekonomija jiġu inkorporati fi strateġija fit-tul se jiffaċilita l-appoġġ għall-iżvilupp u għar-replikazzjoni.

1.3.4.

It-tkomplija tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema u tal-produtturi primarji hija kruċjali. Huwa importanti li jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-għarfien, jingħata appoġġ lin-netwerks transnazzjonali u jinżamm il-pass mat-tibdil fis-soċjetà u fit-teknoloġija. Approċċi edukattivi, ta’ involviment u ta’ komunikazzjoni li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati fil-bijoekonomija rurali huma kruċjali.

1.3.5.

Huwa essenzjali li jiġu promossi l-ekonomija ċirkolari u r-rabtiet intersettorjali u territorjali fl-UE u lil hinn minnha, b’mod partikolari biex jiġu onorati l-impenji skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-objettivi tas-COP21.

1.3.6.

L-Istati Membri kollha għandhom jintegraw strateġija komprensiva dwar il-bijoekonomija fil-politiki u fil-programmi tagħhom u jinvolvu lill-awtoritajiet lokali kompetenti u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti (il-produtturi primarji, il-fornituri tar-riċerka u l-edukazzjoni, l-industrija, is-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali, eċċ.).

1.3.7.

L-UE għandha tagħmel kull sforz għal sistema globali tal-prezzijiet għall-emissjonijiet tal-karbonju, li jkun mod newtrali u effettiv ta’ kif tiġi promossa l-bijoekonomija u kif l-atturi kollha tas-suq jistgħu jinġiebu flimkien biex jiġi mmitigat it-tibdil fil-klima.

1.4.

Ir-rispett tal-prinċipji tas-sostenibbiltà huwa essenzjali għal bijoekonomija “ġdida”, u għandhom jiġu kkonservati r-riżorsi naturali sabiex jinżammu produttivi. F’dan ir-rigward, il-Bijoekonomija għandha ssegwi kriterji ta’ sostenibbiltà. Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet għall-iżvantaġġ tal-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà, l-istess regoli għandhom japplikaw għall-bijomassa mill-Unjoni Ewropea u minn barra l-pajjiż.

2.   Kummenti ġenerali

Il-bijoekonomija tħaddan il-produzzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi rinnovabbli u l-konverżjoni tagħhom f’ikel, għalf, bijoprodotti u bijoenerġija. Din tinkludi l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-ikel, il-produzzjoni tal-polpa u l-karta, kif ukoll partijiet tal-industriji kimiċi, bijoteknoloġiċi u tal-enerġija.

2.1.

L-Istrateġija tal-UE tal-2012 dwar il-Bijoekonomija kellha l-għan “[…] li twitti t-triq għal soċjetà aktar innovattiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva li tirrikonċilja s-sigurtà tal-ikel mal-użu sostenibbli ta’ riżorsi rinnovabbli għal skopijiet industrijali, filwaqt li jkun żgurat il-ħarsien ambjentali”. Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet reviżjoni tal-Istrateġija tal-UE tal-2012 tagħha dwar il-Bijoekonomija, li kkonkludiet li l-Istrateġija wriet ir-rilevanza tal-għanijiet tagħha u li l-importanza tal-opportunitajiet offruti mill-bijoekonomija qed tiġi dejjem aktar rikonoxxuta fl-Ewropa u lil hinn minnha. F’Ottubru 2018, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ azzjoni biex tiġi żviluppata bijoekonomija sostenibbli u ċirkolari “sabiex jittejjeb u jiżdied l-użu sostenibbli tar-riżorsi rinnovabbli bil-għan li jiġu indirizzati l-isfidi globali u lokali bħat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli” (1).

2.2.

Il-popolazzjoni globali hija mistennija li tikber għal kważi 10 biljun persuna sal-2050 (2) u huwa urġenti li r-riżorsi bijoloġiċi jintużaw b’mod aktar effiċjenti, biex b’hekk ikun hemm ikel san, nutrittiv, ta’ kwalità għolja u affordabbli għal aktar nies b’inqas impatt ambjentali u klimatiku għal kull unità prodotta, u materjal bijoloġiku rinnovabbli suffiċjenti biex tjiġi prodotta parti sostanzjali minn dak li bħalissa qed jiġi utilizzat miż-żejt fossili mhux maħdum, flimkien ma’ enerġija mir-riħ u x-xemx u enerġiji rinnovabbli oħra. Iffukar mill-ġdid tal-azzjonijiet u aġġornament tal-istrateġija dwar il-bijoekonomija kienu għalhekk meħtieġa fid-dawl tal-iżviluppi ta’ politika reċenti, inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (3) u l-Konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti (l-impenji tas-COP21).

2.3.

Il-Kummissjoni tiddikjara, permezz tal-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija Aġġornata (4), li se tniedi 14-il miżura fl-2019, inkluż:

l-istabbiliment ta’ Pjattaforma Tematika ta’ Investiment fil-Bijoekonomija ta’ EUR 100 miljun sabiex l-innovazzjonijiet b’bażi bijoloġika jinġiebu eqreb tas-suq u l-investimenti privati f’soluzzjonijiet sostenibbli jsiru inqas riskjużi; l-iffaċilitar tal-iżvilupp ta’ bijoraffineriji ġodda sostenibbli madwar l-Ewropa;

l-iżvilupp ta’ aġenda strateġika dwar l-użu għas-sistemi tal-ikel u tal-biedja sostenibbli u għall-prodotti tal-forestrija u l-bijoprodotti;

l-istabbiliment ta’ Faċilità għall-Appoġġ tal-Politika tal-UE dwar il-Bijoekonomija għall-pajjiżi tal-UE taħt Orizzont 2020 biex jiġu żviluppati aġendi nazzjonali u reġjonali dwar il-bijoekonomija;

it-tnedija ta’ azzjonijiet pilota għall-iżvilupp tal-bijoekonomiji f’żoni rurali, kostali u urbani, pereżempju fir-rigward tal-immaniġġjar tal-iskart jew tas-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola;

l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ monitoraġġ mifruxa madwar l-UE kollha sabiex jiġi intraċċat il-progress lejn bijoekonomija sostenibbli u ċirkolari;

it-titjib tal-bażi tal-għarfien u tal-fehim tagħna fir-rigward tal-oqsma speċifiċi tal-bijoekonomija bil-ġbir ta’ data u billi jiġi żgurat li jingħata aċċess aħjar għaliha permezz taċ-Ċentru tal-Għarfien għall-Bijoekonomija;

l-għoti ta’ gwida u l-promozzjoni ta’ prattiki tajba dwar kif wieħed għandu jopera fil-bijoekonomija fi ħdan il-limiti ekoloġiċi sikuri.

2.4.

Il-bijoekonomija tista’ tipprovdi għażliet li jistgħu jnaqqsu kemm l-emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll id-dipendenza fuq ir-riżorsi fossili importati. Pereżempju, il-foresti tal-UE jissekwestraw ammont ta’ karbonju li jikkorrispondi għal 10 % tal-emissjonijiet annwali tal-UE, filwaqt li jipprovdu provvista kostanti u sostenibbli ta’ bijomassa għall-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, l-istimi juru li 100 000 sustanza kimika li qed jiġu prodotti bħalissa jistgħu, fit-teorija, jiġu minn materja prima rinnovabbli. Dan ma jfissirx li dan għandu jsir għal kollha kemm huma, iżda huwa teoretikament possibbli. Dan ma joffrix biss il-possibbiltà li jiġu pprovduti oġġetti tad-dar ta’ kuljum fuq livell lokali u b’mod rinnovabbli, iżda se jgħin ukoll biex joħloq impjiegi, b’mod partikolari fiż-żoni kostali u rurali, u tkabbir fl-Ewropa, fejn il-vantaġġ teknoloġiku għadu b’saħħtu. Skont l-istimi tal-industrija, jistgħu jinħolqu miljun impjieg ġdid sal-2030 fl-industriji b’bażi bijoloġika.

2.5.

Madankollu, għad hemm ostakli kbar fit-triq lejn innovazzjoni akbar fil-bijoekonomija tal-UE. Ostaklu importanti huwa relatat mal-kostkompetittività tal-prodotti, li t-tnejn huma mqabbla mal-alternattivi fossili u ma’ prodotti ekwivalenti minn inħawi oħra fid-dinja. Il-kostkompetittività hija affettwata minn ħafna fatturi, inklużi l-livell ta’ tħejjija teknoloġika u l-kost lavorattiv, is-sussidji fuq il-karburanti fossili u l-amortizzament, kif ukoll il-livell baxx ta’ appoġġ tas-suq għall-bijoprodotti. Din il-kwistjoni tal-kompetittività taggrava meta wieħed iqis id-diffikultajiet fl-aċċess ta’ finanzi għal proġetti innovattivi u l-faċilitajiet ta’ produzzjoni u, ħafna drabi, il-livell kontinwament baxx tal-għarfien min-naħa tal-utenti finali dwar il-bijoprodotti, kif ukoll in-nuqqas ta’ ħiliet u relazzjonijiet operazzjonali biex dan is-settur jimxi ’l quddiem. Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ permessi għal proġetti ġodda b’bażi bijoloġika qed isiru twal u diffiċli, filwaqt li qed iwasslu għal inċertezzi legali u riskji finanzjarji sinifikanti għall-atturi ekonomiċi.

3.   Kummenti speċifiċi

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni li taġġorna l-istrateġija tal-2012 dwar il-bijoekonomija. Hemm bżonn ta’ politika fit-tul, konsistenti u effiċjenti biex tiġi promossa l-bijoekonomija. Madankollu, il-konnessjoni bejn din l-istrateġija globali dwar il-bijoekonomija u strumenti ta’ politika eżistenti oħra għadha mhix awtomatika. Għalhekk, is-soluzzjoni għal politika effettiva dwar il-bijoekonomija għadha tidentifika sinerġiji bejn l-oqsma ta’ politika b’mod li jitqiesu l-objettivi ta’ produzzjoni vijabbli tal-ikel, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, l-iżvilupp territorjali bbilanċjat fiż-żoni rurali, u l-għajxien sigur u deċenti.

3.1.

Filwaqt li l-aġġornament għandu l-għan li juża l-investimenti tal-UE u jagħmel enfasi sinifikanti fuq it-tisħiħ u t-tkabbir tas-setturi b’bażi bijoloġika, bl-iffaċilitar tal-investimenti u tas-swieq, għadha teżisti diskrepanza (lil hinn mir-riċerka u l-iżvilupp) f’dak li għandu x’jaqsam mal-għoti ta’ appoġġ lill-kumpaniji tal-bijoekomomija fir-rigward tal-ġbir ta’ fondi, l-istrateġija “go-to-market”, l-iżvilupp tal-organizzazzjoni u l-maturazzjoni tal-prodotti. L-investituri ta’ tkabbir fi stadju bikri fuq livelli nazzjonali u reġjonali b’konsulenza ppersonalizzata għall-industriji ta’ skala mikro u żgħira u negozji ġodda huma meħtieġa daqs il-mobilizzazzjoni tal-investimenti tal-UE għal proġetti kbar. Jinħtieġ approċċ ta’ finanzjament komprensiv sabiex jiġu kummerċjalizzati prodotti ġodda.

3.2.

L-aġġornament jenfasizza wkoll il-fatt li s-sinerġiji bejn is-settur pubbliku u privat jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minn sorsi differenti ta’ investimenti. F’dan il-kuntest, l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika qed turi li hija kruċjali biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ infrastruttura industrijali Ewropea b’bażi bijoloġika u ktajjen ta’ valur iċċentrati fuq l-użu ta’ riżorsi rinnovabbli – inkluż l-iskart.

3.3.

Madankollu, ma ssirx biżżejjed enfasi fuq is-settur privat, u b’mod partikolari fuq il-produtturi primarji, jiġifieri l-bdiewa, is-sidien tal-foresti u l-kooperattivi tagħhom, li jaqdu rwol sinifikanti fl-iżvilupp ta’ bijoekonomija sostenibbli; l-SMEs, li jagħmlu parti kbira mill-katina agroalimentari, iridu wkoll jingħataw attenzjoni xierqa. F’dan il-kuntest, il-PAK tista’ ssir għodda interessanti biex tgħin lill-bdiewa, lis-sidien tal-foresti u lill-kooperattivi tagħhom jinvestu aktar fil-produzzjoni tagħhom u jagħmluha aktar sostenibbli.

3.4.

F’dan l-isfond, il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet favorevoli tas-suq huwa kritiku u jimxi id f’id mal-livell ta’ fiduċja li l-konsumaturi għandhom fl-informazzjoni li jingħataw dwar il-prodotti li qed jikkunsidraw li jixtru. Hemm mertu f’li jiġu kkunsidrati l-istandards ta’ informazzjoni, u l-ewwel pass importanti kien l-istabbiliment ta’ standards ċari fl-UE kollha għal prodotti b’bażi bijoloġika sabiex jipproteġu aħjar il-kredibbiltà ta’ standards maqbula mill-industrija, u fl-istess ħin jevitaw il-konfużjoni tal-konsumaturi u jagħtu fiduċja lill-klijenti industrijali u lix-xerrejja pubbliċi. Għad fadal ħafna xi jsir biex il-konsumaturi jiġu megħjuna jagħmlu għażla infurmata permezz ta’ strateġiji ta’ komunikazzjoni intelliġenti.

3.5.

L-istrateġija ssaħħaħ ukoll l-idea ta’ “espansjoni”, iżda ma tinkludix il-kunċett ta’ “replikazzjoni”. Ir-riċerka hija disponibbli u l-istrateġiji fit-tul dwar l-innovazzjoni u l-bijoekonomija jridu jimxu id f’id. Ir-riċerka bażika u applikata għandha tkun sinkronizzata tajjeb u tikkontribwixxi għal objettivi strateġiċi komuni. Għandha tingħata wkoll attenzjoni lill-iżvilupp, lill-aċċess u liż-żamma ta’ infrastrutturi jew raggruppamenti ta’ kwalità għolja fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Pereżempju, l-istabbiliment ta’ ċentri ta’ livell dinji għar-riċerka applikata fil-manifattura tal-bijoproċess fuq skala sħiħa u l-ħolqien ta’ soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli, jistgħu jgħinu lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) biex jisfruttaw firxa sħiħa ta’ għarfien. It-trasferiment tal-għarfien jiġi megħjun minn dimostrazzjonijiet u eżempji. Id-dimostrazzjonijiet għandhom jagħtu lill-SMEs stampa komprensiva tat-teknoloġiji disponibbli f’dak il-qasam partikolari tal-bijoekonomija.

3.6.

Iż-żoni rurali għaddejjin minn perjodu ta’ trasformazzjoni ekonomika, demografika u istituzzjonali profonda fl-UE. Għalhekk, għandha tingħata l-attenzjoni dovuta wkoll lejn l-infrastruttura u t-titjib loġistiku biex jitrawmu l-ktajjen ta’ provvista tal-bijomassa eżistenti u ġodda, filwaqt li tiġi ottimizzata l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ħolqien tal-impjiegi u l-valur miżjud fiż-żoni rurali.

3.7.

Qatt ma tista’ ssir enfasi żejda fuq ir-realtà li l-introduzzjoni ta’ makkinarju teknoloġikament avvanzat fil-bijoekonomija tirrikjedi ħiliet imtejba ta’ tħaddim u manutenzjoni, inklużi ħiliet ulterjuri fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), programmi ġodda ta’ taħriġ dwar is-saħħa u s-sikurezza, kif ukoll fehim u attenzjoni aħjar fir-rigward tal-aspetti relatati mal-konservazzjoni tal-ambjent. L-iżgurar tal-iżvilupp kontinwu u l-adattament tal-ħiliet tal-individwi matul ħajjithom huwa ta’ importanza kbira, bħalma huwa l-indirizzar tad-diskrepanzi fil-ħiliet f’dan is-settur tal-bijoekonomija emerġenti. Fl-istrateġija aġġornata ma ssemmewx l-iskambji bejn il-pari, l-attivitajiet konġunti tar-riċerkaturi, is-servizzi ta’ appoġġ fil-qasam tal-innovazzjoni, il-bdiewa, il-forestiera, il-kooperattivi tagħhom u atturi privati oħra, iżda jkun kruċjali li jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-għarfien.

3.8.

Aħna ma nistgħux nilħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u nnaqqsu t-tibdil fil-klima (5) mingħajr ma ntejbu r-residwi, il-kurrenti laterali u l-iskart u nippromovu l-ekonomija ċirkolari. Il-kollaborazzjoni bejn is-setturi (is-sistemi tal-ikel, mhux tal-ikel u t-territorji rurali) u l-kontinenti hija essenzjali hawnhekk. Għandha tingħata aktar attenzjoni lir-rabtiet territorjali u lokali (urbani-rurali, rurali-rurali u art-baħar) u l-kontribut tagħhom għall-ktajjen ta’ valur u raggruppamenti tal-bijoekonomika sostenibbli fiż-żoni rurali. L-iżvilupp ta’ dawn ir-rabtiet fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant ikun essenzjali biex jgħin lil dawn il-pajjiżi jiżviluppaw l-għanijiet strateġiċi ta’ żvilupp tagħhom għal ipproċessar aħjar tal-bijomassa. Ir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant huwa rikk fil-bijomassa minħabba l-attivitajiet estensivi tiegħu fl-oqsma tal-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd, b’kapaċità ta’ bijomassa għolja iżda mhux użata jew li mhix utilizzata biżżejjed mil-lat ta’ ikel, għalf, materja prima industrijali, bijofjuwil u użu tal-enerġija. Barra minn hekk, l-istrateġija aġġornata ma saħqitx biżżejjed fuq l-idea li hija meħtieġa kooperazzjoni internazzjonali sabiex jinġabru l-għarfien espert u l-kapaċitajiet eżistenti bl-aktar mod effettiv u jissaħħu s-sinerġiji mal-Istati Membri u mal-programmi tar-riċerka mhux tal-UE. Is-sħubijiet internazzjonali huma partikolarment importanti għall-ittestjar u r-replikazzjoni tas-soluzzjonijiet.

3.9.

Fl-aħħar nett, fl-implimentazzjoni tal-objettivi stabbiliti skont il-Ftehim ta’ Pariġi, għandu jsir użu sħiħ tal-mekkaniżmi tas-suq. Is-sistema ta’ pprezzar globali għall-emissjonijiet tal-karbonju tkun mod newtrali u effettiv biex jinkiseb l-appoġġ tal-atturi kollha tas-suq. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora b’mod attiv rotot u stadji differenti kif ukoll tinvolvi ruħha ma’ pajjiżi oħra sabiex jintlaħaq progress lejn ipprezzar globali għall-emissjonijiet tal-karbonju. Sistema globali tal-ipprezzar tal-karbonju effiċjenti u ġusta tassigura kundizzjonijiet ekwi għal negozji ta’ esportazzjoni fis-swieq dinjija u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-investiment u tal-impjiegi. Barra minn hekk, din telimina l-vantaġġ kompetittiv ta’ prodotti importati li huma orħos minħabba anqas rekwiżiti marbuta mal-klima.

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  https://ec.europa.eu/research/bioeconomy/pdf/ec_bioeconomy_strategy_2018.pdf

(2)  https://www.un.org/development/desa/en/news/population/world-population-prospects-2017.html

(3)  https://sustainabledevelopment.un.org/?menu=1300

(4)  https://ec.europa.eu/research/bioeconomy/index.cfm?pg=policy&lib=strategy

(5)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 45.


16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/41


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 biex titqies b’mod xieraq is-sistema globali tal-ġbir tad-data għad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti”

(COM (2019) 38 final — 2019/0017(COD))

(2019/C 240/10)

Relatur: Constantine CATSAMBIS

Konsultazzjoni

11.2.2019, il-Parlament Ewropew

13.2.2019, Kunsill

Bażi legali

L-Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Bureau

19.2.2019

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

25.4.2019

Adottata fil-plenarja

15.5.2019

Sessjoni plenarja nru

543

Riżultat

(favur/kontra/astensjonijiet)

204/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Din l-Opinjoni tirreferi għall-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex temenda r-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (1) (ir-“Regolament MRV tal-UE”). F’dan ir-rigward, qed issir referenza għall-Opinjoni tal-2013 tar-relatur Stefan Back, NAT/616 dwar l-emissjonijiet tat-trasport marittimu, dwar l-emendi proposti għar-Regolament MRV tal-2015, li jinkludi ħafna proposti importanti, inkluż l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-2015 li ġie adottat mill-Kummissjoni, skont liema l-Kummissjoni, f’każ ta’ ftehim internazzjonali dwar sistema globali ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika, se tirrevedi r-Regolament MRV tal-UE u, jekk xieraq, tipproponi emendi sabiex tiżgura l-allinjament ma’ dak il-ftehim internazzjonali.

1.2.

Fil-fatt, fl-2016, il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) tan-Nazzjonijiet Uniti adotta emendi għall-Konvenzjoni MARPOL li tistabbilixxi l-qafas legali għal sistema globali ta’ ġbir ta’ data għall-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti (“Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU”), skont liema bdew l-obbligi ta’ monitoraġġ f’Jannar 2019.

1.3.

Il-Kummissjoni enfasizzat li allinjament parzjali taż-żewġ sistemi ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika jista’ jikkontribwixxi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji u l-amministrazzjoniet tat-trasport marittimu, filwaqt li jiġu ppreservati l-għanijiet ewlenin tar-Regolament MRV tal-UE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pproponiet l-allinjament limitat tar-Regolament MRV tal-UE mas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU b’rabta mad-definizzjonijiet, il-parametri ta’ monitoraġġ, il-pjani ta’ monitoraġġ u l-mudelli.

1.4.

Il-bidliet proposti għar-Regolament MRV tal-UE huma kif ġej:

1.4.1.

L-obbligi ta’ rappurtar f’każ ta’ tibdil ta’ kumpanija għandhom iqisu d-dispożizzjonijiet paralleli tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU. Dan se jiżgura li l-istess entitajiet legali jimmonitorjaw u jirrapportaw skont perjodi ta’ rappurtar ikkalkulati b’mod simili.

1.4.2.

Il-parametru “merkanzija li qed tinġarr”jinżamm bħala parametru ta’ monitoraġġ volontarju għal dawk il-kumpaniji li huma lesti li jipprovdu kalkolu tal-effiċjenza enerġetika medja tal-bastimenti tagħhom abbażi tal-merkanzija li tinġarr.

1.4.3.

Il-parametru attwali “ħin fuq il-baħar”jinbidel bid-definizzjoni ta’ “sigħat tal-ivvjaġġar”tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI.

1.4.4.

Il-kalkolu ta’ “distanza vvjaġġata”għandu jieħu bħala l-bażi l-alternattivi miżmuma skont il-linji gwida rilevanti tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI.

1.4.5.

Il-kontenut minimu tal-pjani ta’ monitoraġġ għandu jiġi razzjonalizzat biex jitqiesu l-linji gwida tal-OMI tan-NU għall-iżvilupp ta’ Pjan ta’ Ġestjoni għall-Effiċjenza Enerġetika tal-Bastimenti, (Guidelines for the development of a Ship Energy Efficiency Management Plan (SEEMP)), għajr dawk id-dispożizzjonijiet li huma meħtieġa biex ikun żgurat li d-data relatata mal-UE biss tiġi monitorjata u rappurtata skont ir-Regolament MRV tal-UE.

1.4.6.

L-emissjonijiet tas-CO2 tal-bastimenti fil-portijiet tal-UE jridu jiġu monitorjati u rappurtati b’mod separat ukoll, biex ikun inċentivat l-użu tal-miżuri disponibbli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 fil-portijiet tal-UE, u biex ikun hemm aktar sensibilizzazzjoni dwar l-emissjonijiet mit-trasport marittimu.

1.4.7.

Id-dispożizzjonijiet attwali tal-MRV tal-UE dwar il-verifika tad-data minn partijiet terzi akkreditati jridu jinżammu sabiex jiġi ppreservat l-għan tal-UE li tingħata informazzjoni affidabbli u li tkun komparabbli maż-żmien għal meta jittieħdu aktar deċiżjonijiet fil-livell tal-UE jew fil-livell globali.

1.5.

Il-kwistjonijiet importanti li fadal fir-rigward tal-kisba ta’ allinjament sħiħ mal-linji gwida tal-OMI dwar is-Sistema tal-Ġbir tad-Data prinċipalment jikkonċernaw l-awtoritajiet u l-modalitajiet ta’ verifika, l-elementi ta’ monitoraġġ, u l-pubblikazzjoni ta’ data kummerċjali sensittiva. L-għan ta’ eżerċizzju ta’ allinjament sħiħ tar-Regolament MRV tal-UE mas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU huwa li jkun hemm uniformità regolatorja globali sabiex jiġi minimizzat il-piż addizzjonali li għandu impatt kbir, b’mod partikolari fuq kumpaniji tat-trasport marittimu żgħar u ta’ daqs medju, u biex jiġu evitati kwalunkwe rekwiżiti ta’ rappurtar doppju taħt żewġ sistemi differenti.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Fl-Opinjoni tal-2013 (2) (NAT/616 dwar l-emissjonijiet tat-trasport marittimu), il-KESE qajjem dubji dwar il-ħtieġa u l-valur miżjud tal-informazzjoni u d-data operazzjonali li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-konsum u l-emissjonijiet tal-fjuwil, li għandhom jiġu mmonitorjati u rrappurtati skont ir-Regolament MRV tal-UE u, b’mod partikolari, il-ħtieġa għal informazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 9(d)–(g) rigward il-monitoraġġ ta’ parametri abbażi ta’ kull vjaġġ u l-Artikolu 10(g)– (j) fir-rigward tal-monitoraġġ ta’ parametri fuq bażi annwali, kif ukoll l-Anness II dwar il-monitoraġġ ta’ informazzjoni (rilevanti) oħra, peress li din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva, u jistgħu jinqalgħu kwistjonijiet dwar il-valur tad-disponibbiltà ta’ din l-informazzjoni f’forma aggregata.

2.2.

B’mod ġenerali, bil-bidliet proposti bħalissa għar-Regolament MRV tal-UE, il-Kummissjoni żżomm il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-pubblikazzjoni tad-data miġbura minn bastimenti individwali. Il-bidliet proposti huma aġġustamenti tekniċi li jirrappreżentaw korrezzjonijiet tekniċi fil-livell ta’ parametrizzazzjoni. Bħala tali, ma jirrappreżentawx allinjament sħiħ tar-Regolament MRV tal-UE mas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU, kif mitlub mill-OMI tan-NU u l-industrija tat-trasport marittimu fl-interventi pubbliċi tagħha, u għad hemm kwistjonijiet importanti pendenti. Dawn jikkonċernaw prinċipalment l-awtoritajiet u l-modalitajiet tal-verifika, l-elementi ta’ monitoraġġ, u l-pubblikazzjoni ta’ data kummerċjali sensittiva.

2.3.

Fil-valutazzjoni tagħha għall-emendi proposti, il-Kummissjoni għandha tqis il-fatt li l-industrija globali tat-trasport marittimu hija impenjata bis-sħiħ biex tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b’tal-anqas 40 % sal-2030, u tkompli l-isforzi biex tikseb tnaqqis ta’ 70 % sal-2050, meta mqabbel mal-2008, u biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’tal-anqas 50 % sal-2050, meta mqabbel mal-2008, b’konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-OMI tan-NU adottat Strateġija Inizjali f’April 2018, li għandha tiġi riveduta fl-2023, li tipprovdi l-qafas għall-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ miżuri konkreti ta’ tnaqqis tas-CO2 fuq perjodu qasir ta’ żmien kif ukoll miżuri kandidati fuq perjodu medju sa twil ta’ żmien għall-kisba ta’ tnaqqis xieraq ta’ emissjonijiet skont l-iskedi ta’ żmien u ta’ implimentazzjoni miftiehma, b’konformità mal-pjan direzzjonali miftiehem mal-OMI tan-NU għad-dekarbonizzazzjoni minn issa sal-2050.

2.4.

Fid-dawl tal-għadd u l-kuntest tal-proposti mressqa mill-Istati Membri u mill-industrija għall-kunsiderazzjoni matul id-deliberazzjonijiet tal-OMI tan-NU li ġejjin, il-partijiet interessati kollha jidhru li qed iħabirku biex jirregolaw l-effiċjenza enerġetika tal-flotta merkantili dinjija f’perjodu ta’ żmien konkret b’informazzjoni u data preċiżi pprovduti mill-OMI tan-NU dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mill-bastimenti.

2.5.

Il-KESE jqis li l-allinjament parzjali propost ser iwassal għal rekwiżiti ta’ monitoraġġ u rappurtar doppji, onerużi u mhux effettivi, peress li l-obbligi ta’ rappurtar għadhom taħt żewġ sistemi differenti: sistema reġjonali (Ewropea) u oħra globali (OMI tan-NU). B’riżultat ta’ dan, il-bastimenti se jkollhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar kemm tar-Regolament MRV tal-UE kif ukoll tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU. Il-mudelli tar-rappurtar tal-UE u tal-OMI tan-NU huma differenti, u dan iżid l-ammont ta’ xogħol, il-piż amministrattiv u l-ispejjeż għall-ekwipaġġ tal-bastimenti u t-trasport marittimu.

2.6.

L-allinjament sħiħ tar-Regolament MRV tal-UE mas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU ma jservix biss l-għan li tinħoloq bażi tad-data affidabbli u unifikata internazzjonalment għall-emissjonijiet tas-CO2 tal-bastimenti, iżda jkun ukoll konformi mal-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni Ewropea, li għandha l-għan ta’ regolamentazzjoni mmirata sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha u tkun ta’ benefiċċji għall-ekonomija Ewropea bi spiża minima. Se jiżgura wkoll kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fil-livell internazzjonali għall-flotta Ewropea. L-għan ta’ eżerċizzju ta’ allinjament sħiħ tar-Regolament MRV tal-UE mas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU huwa li jkun hemm uniformità regolatorja globali sabiex jiġi minimizzat il-piż addizzjonali li għandu impatt kbir, b’mod partikolari fuq kumpaniji tat-trasport marittimu żgħar u ta’ daqs medju, u biex jiġu evitati kwalunkwe rekwiżiti ta’ rappurtar doppju taħt żewġ sistemi differenti.

2.7.

Ir-Regolament MRV tal-UE jirrikjedi li l-Kummissjoni tippubblika d-data riċevuta flimkien mal-identifikaturi tal-kumpanija u tal-bastimenti individwali, sabiex din tkun tista’ tintuża minn partijiet terzi. L-għan ta-ssitema tal-OMI tan-NU huwa sempliċiment li jiġu stabbiliti l-emissjonijiet totali ta’ CO2 tas-settur tat-trasport marittimu internazzjonali sabiex jiġu ffaċilitati aktar deċiżjonijiet ta’ politika u jiġu kkunsidrati miżuri addizzjonali għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq tippubblika data dettaljata (u kummerċjalment sensittiva) dwar bastimenti individwali li jżuru l-portijiet tal-UE/ŻEE, li tista’ tintuża ħażin. Dan jista’ jwassal għal penalizzazzjoni inġusta ta’ bastimenti, u jista’ wkoll jgħawweġ il-kompetizzjoni u jġib miegħu żvantaġġi kompetittivi kbar għas-sidien ta’ bastimenti tal-UE fis-suq globali tat-trasport marittimu u għall-bastimenti li jidħlu f’portijiet tal-UE.

2.8.

Idealment jintużaw il-mekkaniżmi eżistenti tal-OMI tan-NU dwar l-Amministrazzjonijiet tal-Istat tal-Bandiera għall-infurzar u l-implimentazzjoni, taħt sistema globali waħda u funzjonali ta’ ġbir ta’ data tal-konsum tal-fjuwil. Taħt is-sistema tal-OMI tan-NU l-informazzjoni mill-bastimenti mressqa lill-OMI tan-NU permezz tal-Istat tal-bandiera hija anonima għal partijiet terzi.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Għandhom jiġu nnutati l-punti tekniċi li ġejjin dwar il-proposta. Skont l-Artikolu 21(f), il-medja annwali tal-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull distanza mbaħħra u merkanzija għal vjaġġi għad trid issir disponibbli għall-pubbliku mill-Kummissjoni Ewropea. Dan jidher li huwa f’kunflitt mad-dispożizzjoni emendata l-ġdida tal-proposta fl-Artikolu 9(1)(f) (ġdid) li jiddikjara li kwalunkwe monitoraġġ (abbażi ta’ kull vjaġġ) tal-merkanzija li tinġarr għandu jkun volontarju, peress li l-bidla proposta għall-merkanzija li tinġarr hija biss element ta’ monitoraġġ volontarju u bħala tali mhijiex allinjata mas-Sitema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li d-definizzjoni ta’ Tunnellaġġ tal-Piż Mejjet (Dead Weight Tonnage — DWT) tal-bastiment ġiet inkluża fl-Artikolu 3(p) u fl-Artikolu 11(3)(a)(xi) tal-proposta, jidher li din il-metrika ma tiġix integrata b’mod konsistenti fl-Artikoli kollha tal-proposta, u dan jista’ jiġi interpretat bħala nuqqas ta’ fiduċja min-naħa tal-Kummissjoni fl-effiċjenza tas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU.

3.2.

Il-modifiki fl-Artikolu 11(2) u fl-Artikolu 3(d) tal-proposta dwar il-bidla tal-kumpanija huma milqugħa minħabba li issa jintroduċu r-responsabbiltà ta’ dak li qabel kien is-sid, mdifika li kienet ferm meħtieġa għal każijiet fejn bidla ta’ kumpanija sseħħ matul perjodu ta’ rappurtar. Id-definizzjonijiet ta’ “kumpanija”u ta’ “perjodu tar-rappurtar”, kif ukoll l-attribuzzjoni tal-obbligi ta’ monitoraġġ u rappurtar f’każ ta’ “bidla ta’ kumpanija”issa huma aktar allinjati mad-dispożizzjonijiet paralleli tas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU. Madankollu, id-deskrizzjoni li għadha kif ġiet introdotta tidher li mhix preċiża biżżejjed biex tirregola r-relazzjoni bejn il-kumpanija “qadima”u dik “ġdida”. Sabiex ikun hemm ċarezza legali massima, is-sid il-ġdid jista’ jkun legalment responsabbli mill-jum meta tidħol fis-seħħ il-bidla. L-Artikolu 11(2) (ġdid) propost jista’ jiġi emendat kif ġej:

“2.

Meta jkun hemm bidla tal-kumpanija, il-kumpanija ta’ qabel għandha tressaq rapport lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istat tal-Bandiera kkonċernat, kemm jista’ jkun qrib id-data meta titlesta l-bidla u mhux aktar tard minn tliet xhur warajha, li jkun fih l-istess elementi bħar-rapport dwar l-emissjonijiet iżda limitat għall-perjodu meta twettqu l-attivitajiet fir-responsabbiltà tiegħu. Il-kumpanija l-ġdida għandha tiżgura li kull bastiment jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament mid-data tat-tlestija tal-bidla.

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE, (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Emissjonijiet mit-Trasport Marittimu (ĠU C 67, 6.3.2014, p. 170).


16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Is-Suq Uniku f’dinja li qiegħda tinbidel — Assi uniku li jeħtieġ impenn politiku mġedded”

(COM(2018) 772 final)

(2019/C 240/11)

Relatur: Gonçalo LOBO XAVIER

Korelatur: Juan MENDOZA CASTRO

Konsultazzjoni

Kummissjoni, 18.2.2019

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

2.4.2019

Adottata fil-plenarja

15.5.2019

Sessjoni plenarja Nru

543

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

153/1/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-messaġġ b’saħħtu tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tas-Suq Uniku u l-ħtieġa ta’ impenn mill-Istati Membri u ċ-ċittadini kollha. Is-Suq Uniku jeħtieġ bilanċ bejn l-aspettattivi tan-nies u l-politiki kkoordinati biex l-Ewropa tadatta ruħha għall-isfidi differenti imposti mill-globalizzazzjoni, mix-xejriet ġodda u mill-progress teknoloġiku.

1.2.

Il-KESE jitlob Suq Uniku, identiku għall-Istati Membri kollha, li għandu jiġi pperċepit bħala opportunità biex jiġu affermati mill-ġdid il-valuri Ewropej, id-drittijiet fundamentali u d-dmirijiet biex jinkisbu l-progress u l-benessri għall-Istati Membri u ċ-ċittadini kollha.

1.3.

Proċess ta’ integrazzjoni bla xkiel iżda konkret huwa raġuni ewlenija biex tiġi evitata u miġġielda t-theddida tal-protezzjoniżmu, l-individwaliżmu u s-soċjetajiet estremisti. Il-kisbiet fundamentali tas-Suq Uniku għandhom jiġu kkomunikati aħjar fost iċ-ċittadini u l-Istati Membri.

1.4.

Jeżistu eżempji tajbin ta’ kif iċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw mis-Suq Uniku, abbażi tal-isforzi u l-impenn ta’ atturi differenti. Il-valuri bħal-libertà, it-tkabbir ekonomiku, id-demokrazija, il-paċi, ix-xjenza u l-innovazzjoni, l-istabbiltà politika u d-drittijiet tal-konsumatur u dawk soċjali għandhom ikunu preżenti fil-viżjoni taċ-ċittadini bħala riżultat ta’ proċess li beda 60 sena ilu. Id-diffikultajiet biex jinkisbu dawn il-valuri ma jistgħux jintesew iżda għandhom isiru tagħlimiet miksuba għall-futur.

1.5.

Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu biex tiġi limitata l-għajnuna mill-Istat u jiġi miġġieled l-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti, filwaqt li jenfasizza d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-kumpaniji Ewropej biex jikkompetu fi swieq globali b’oligopolji jew monopolji, li f’ċerti każijiet ikunu proprjetà tal-istat.

1.6.

Il-KESE jenfasizza wkoll ir-rwol kruċjali tas-Suq Uniku bħala għodda biex tissaħħaħ strateġija industrijali Ewropea aktar ambizzjuża b’għanijiet ċari għall-2030. L-integrazzjoni iżjed inklużiva u wiesgħa tas-Suq Uniku fil-marġni ta’ strateġija industrijali Ewropea ġenwina għandha tkun ukoll prijorità ewlenija għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss b’fokus fuq aktar investiment fl-innovazzjoni u t-teknoloġiji, u qafas regolatorju aktar flessibbli u faċli għall-utent biex jikkompeti fuq skala globali iżda mingħajr ma jintesa r-rispett għar-regoli u l-proċeduri sostenibbli ta’ kompetizzjoni globali b’saħħitha.

1.7.

Il-KESE jtenni t-talba tiegħu biex tiġi żviluppata d-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea bil-għan li jitrawwem il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba, jittejbu l-ħiliet u l-kompetenzi, jiżdiedu l-investimenti soċjali u tiġi żviluppata l-ekonomija soċjali, b’enfasi fuq intrapriżi soċjalment responsabbli, kif ukoll jiġu evitati l-faqar, l-inugwaljanzi, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali, b’enfasi speċjali fuq l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà. Il-KESE jqis bħala xieraq li jiġu implimentati politiki soċjali biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, li tikkawża diżinteress fil-konfront tal-UE, populiżmu akbar u l-proliferazzjoni tal-ksenofobija f’setturi tal-popolazzjoni.

1.8.

Il-KESE josserva li, minkejja sforz kbir rigward l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli dwar is-Suq Uniku, il-fatti juru (1) li l-miżuri nazzjonali jistgħu jwasslu għal piżijiet sproporzjonati fuq iċ-ċittadini u n-negozji. Għall-KESE, huwa ta’ prijorità li l-Istati Membri jintalbu jevitaw dawn il-prattiki.

1.9.

Matul is-snin, il-KESE appoġġja l-ekonomija diġitali, filwaqt li kien konxju tal-fatt li l-futur tas-Suq Uniku huwa marbut magħha. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) (2) huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja fis-Suq Uniku fir-rigward tad-data personali iżda jinħtieġ li jittieħdu miżuri addizzjonali għal qafas aħjar, ċar u faċli għall-utent biex jiġu evitati piżijiet u interpretazzjonijiet ħżiena bla bżonn. Dan huwa wkoll kruċjali biex tiżdied il-mobbiltà għal settur iżjed effettiv – u li qed jikber – tas-servizzi, ta’ importanza kbira għat-tkabbir ekonomiku u impjiegi ġodda. Settur tas-servizzi li qed jikber u żieda fin-nuqqas ta’ kompetenzi jitolbu Suq Uniku li jiffunzjona aħjar.

1.10.

Il-KESE japprova l-għan li jiġi stabbilit qafas ta’ abilitazzjoni għat-tranżizzjoni għal mudell ċirkolari u jtenni li sistema soda għall-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli, b’approċċ fit-tul, hija l-ixprun ewlieni biex terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja fis-swieq u t-tfaddil jintrabat ma’ investimenti sostenibbli.

1.11.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress ċar fit-trasformazzjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) f’Fond Monetarju Ewropew, li jista’ joffri likwidità b’mod prekawzjonarju, u b’hekk inaqqas il-programmi ta’ kondizzjonalità. Madankollu, sabiex jiġu indirizzati l-perikli futuri fis-sistema finanzjarja, il-KESE jappoġġja t-tfittxija għal kunsens fost l-Istati Membri dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja. It-twettiq ta’ swieq finanzjarji kompletament integrati u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandhom jibqgħu wkoll fuq nett tal-aġenda.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Bl-Istrateġija għal Suq Uniku (3), l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (4) u l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali (5), il-Kummissjoni ressqet sett ambizzjuż u bbilanċjat ta’ miżuri matul dawn l-aħħar erba’ snin biex jiġi approfondit aktar is-Suq Uniku u jsir aktar ġust.

2.2.

Diġà ġew adottati diversi proposti, iżda l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għad iridu jaqblu dwar 20 mis-67 proposta stabbiliti f’dawn l-istrateġiji.

2.3.

F’Marzu 2018, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni attwali tas-Suq Uniku dwar l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni eżistenti, kif ukoll l-ostakli li fadal u l-opportunitajiet għal Suq Uniku li jaħdem bis-sħiħ.

2.4.

Din il-Komunikazzjoni hija adottata flimkien mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (6) u Komunikazzjoni li tagħti rendikont tal-Pjan ta’ Investiment (7).

2.5.

Fil-kuntest tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni ressqet għadd ta’ inizjattivi biex tindirizza l-akbar ostakli għall-kummerċ elettroniku. Għadd minnhom diġà ġew adottati dwar l-Imblukkar Ġeografiku (8), Is-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti transfruntiera (9), It-Taxxa fuq il-Valur Miżjud għall-kummerċ elettroniku (10) u l-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (11).

2.6.

Il-pjattaformi online saru atturi prominenti fis-Suq Uniku, li jippermettu lil aktar minn miljun negozju biex jilħqu lill-konsumaturi madwar l-Unjoni. Il-Kummissjoni ressqet proposta dwar regoli armonizzati ġodda għal prattiki ta’ “Pjattaformi għal negozji” (12) li ntlaħaq qbil dwarha fil-livell politiku mill-PE u l-Kunsill fi Frar 2019.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jappoġġja l-messaġġ b’saħħtu tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tas-Suq Uniku, li huwa kisba ewlenija u element essenzjali tal-proċess Ewropew ta’ integrazzjoni. Dan għandu jkun wieħed mis-sisien tal-prosperità fl-Ewropa.

3.2.

L-introduzzjoni tal-euro u l-Ftehim ta’ Schengen kienu passi deċiżivi biex jiġi kkompletat is-Suq Uniku. Fl-istess ħin, għad hemm ħafna differenzi bejn l-Istati Membri li jridu jiġu indirizzati. Jinħtieġ impenn b’saħħtu mill-Istati Membri kollha biex din is-sitwazzjoni tinbidel u jibqgħu flimkien.

3.3.

Is-Suq Uniku jeħtieġ bilanċ bejn l-aspettattivi tan-nies u l-politiki kkoordinati sabiex tiġi ssodisfata l-ħtieġa permanenti li l-Ewropa tadatta ruħha għall-isfidi differenti imposti mill-globalizzazzjoni, mix-xejriet ġodda, mill-progress teknoloġiku u mid-diġitalizzazzjoni.

3.4.

Is-Suq Uniku, li joffri aċċess għal aktar minn 512-il miljun konsumatur, huwa suċċess ċar: l-ostakli regolatorji tneħħew għal aktar minn 80 % tal-prodotti industrijali permezz tal-adozzjoni ta’ regoli komuni, iżda dan il-proċess ma jistax jitqies bħala fatta. Jeħtieġ li d-differenzi bejn l-impenn tal-Istati Membri u l-ħtieġa għal implimentazzjoni aħjar tal-leġislazzjoni relatata jkunu prijorità politika. Is-suq uniku għandu japplika wkoll għall-bejjiegħa online.

3.5.

L-ammissjoni tal-Kummissjoni li hemm bżonn li jintlaħaq qbil dwar il-proposti leġislattivi u li tiġi eliminata d-diskrepanza bejn ir-retorika u l-prattika hija sinjal tajjeb. Hemm bżonn li l-Istati Membri jirrealizzaw li dan huwa “proċess ta’ kuljum”.

3.6.

L-integrazzjoni kompluta tas-Suq Uniku qatt mhi se titwettaq sakemm l-Istati Membri ma jirrealizzawx il-valur reali tal-proċess u jgħarrfu liċ-ċittadini tagħhom dwaru. Jeħtieġ li l-kisbiet jiġu enfasizzati mill-mexxejja politiċi b’messaġġ pożittiv għall-benessri tan-nies.

3.7.

Il-proġett Ewropew huwa msejjes fuq il-paċi, il-prosperità u l-iżvilupp soċjali. Il-kost tan-“non-Ewropa”għandu jkun quddiem għajnejna bħala tfakkira lil dawk li għandhom dubju. Iċ-ċittadini Ewropej għandhom japprezzaw il-kisbiet li saru biex jaqdu rwol attiv fil-proċess filwaqt li jiġu evitati n-nuqqas ta’ ftehim u r-radikaliżmu. Il-proċess tas-Suq Uniku jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-Ewropa u jista’ jintuża bħala eżempju tajjeb biex jiġu promossi l-valuri Ewropej.

3.8.

Ma jistax ikun hemm suq uniku meta jkun hemm prodotti li għandhom “livell ta’ kwalità doppju”, jiġifieri prodotti li jinbiegħu taħt l-istess marka fil-pajjiżi li dan l-aħħar issieħbu mal-UE u li għandhom differenzi fil-kwalità (b’kontenut ta’ materja prima ta’ kwalità inferjuri) meta mqabbla ma’ prodotti li ilhom tul ta’ żmien jinbiegħu fl-UE. Il-KESE jemmen li din il-prattika hija inaċċettabbli.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Is-Suq Uniku bħala għodda ta’ komunikazzjoni għall-valuri u l-kisbiet Ewropej

4.1.1.

Il-KESE jemmen li għandha tintuża lingwa komuni sabiex jiġu kkomunikati aħjar il-kisbiet tas-Suq Uniku. Il-fatti għandhom jiġu promossi bħall-mobbiltà taċ-ċittadini għal finijiet ta’ divertiment u raġunijiet ta’ xogħol, is-servizzi finanzjarji jew, saħansitra, aspetti soċjali fir-rigward tas-sigurtà u l-opportunitajiet ta’ xogħol jew il-protezzjoni tal-konsumatur.

4.1.2.

Il-KESE jqis li hemm narrattiva fost għadd żgħir ta’ persuni li ddgħajjef il-proċess ta’ żvilupp Ewropew. Din in-narrattiva tiġi appoġġjata billi jinkixfu d-differenzi bejn l-Istati Membri u fatti speċifiċi li ma jurux ir-realtà sħiħa tas-Suq Uniku. Huwa essenzjali li jiġi evitat u miġġieled dan it-tip ta’ diskors fost iċ-ċittadini, sempliċement minħabba li l-politika ta’ integrazzjoni hija dinamika ħafna u timxi b’passi differenti. Ir-riżultat globali għandu jiġi enfasizzat u l-ħtieġa li jiġu evitati l-inugwaljanzi f’livelli differenti (ekonomiku, soċjali, edukattiv eċċ.) għandha tkun prijorità.

4.2.   Aktar opportunitajiet u benefiċċji għaċ-ċittadini

4.2.1.

Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE u l-politika tal-UE dwar il-konsumatur qdew rwol importanti fl-iżvilupp tas-Suq Uniku. Biex il-konsumaturi jgawdu l-benefiċċji tiegħu, is-Suq Uniku għandu jaħdem b’mod effettiv u l-konsumaturi jridu jkunu jistgħu jafdaw il-prodotti u s-servizzi, kemm online kif ukoll offlajn u kemm jekk jiġu pprovduti lokalment jew minn Stat Membru ieħor. Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li n-negozji jikkonformaw mar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur u li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni kontra l-kompetituri għad-detriment tal-benessri tal-konsumaturi.

4.2.2.

Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE, li għandha prestiġju fuq livell globali, kellha rwol importanti fl-iżvilupp tas-Suq Uniku. Kif enfasizza l-KESE matul is-snin, il-limitazzjoni tal-għajnuna mill-Istat u l-ġlieda kontra l-abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti wasslu għad-dinamiżmu tas-suq tal-UE u kienu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u n-negozji.

4.2.3.

Fil-qafas tar-regoli dwar il-kompetizzjoni ekonomika, anke l-bejjiegħa online għandhom jirrispettaw is-Suq Uniku u jeħtieġ li tiġi determinata l-pożizzjoni tal-intrapriżi internazzjonali.

4.3.   Benefiċċji għan-negozji

4.3.1.

Is-Suq Uniku joffri lill-intraprendituri sistema ta’ negozjar ibbażata fuq ir-regoli, miftuħa u multilaterali, li tiżgura aċċess għall-ktajjen tal-valur internazzjonali.

4.3.2.

L-għan tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali huwa li timmobilizza l-kapital fl-Ewropa u tgħaddih għand il-kumpaniji, l-infrastruttura u l-proġetti sostenibbli u fit-tul kollha, b’effetti pożittivi ta’ impjieg (13).

4.3.3.

Madankollu, għad fadal ħafna xi jsir: il-kumpaniji Ewropej jiddependu ħafna aktar mis-self mill-banek mill-kumpaniji tal-Istati Uniti.

4.3.4.

L-iskala tas-Suq Uniku tfisser li l-Unjoni tinsab f’pożizzjoni li tistabbilixxi s-sistema ta’ negozjar ibbażata fuq ir-regoli, miftuħa u multilaterali. Jeħtieġ li n-negozji minn pajjiżi terzi jkunu konformi mal-leġislazzjoni tal-Unjoni biex ikollhom aċċess għas-Suq Uniku, inkluż fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, is-sikurezza tal-ikel u tal-prodotti, u l-protezzjoni tal-konsumatur.

4.3.5.

Il-KESE jenfasizza d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-kumpaniji Ewropej meta jikkompetu fi swieq globali b’oligopolji jew monopolji, li f’ċerti każijiet ikunu proprjetà tal-istat. Eżempji ta’ dan huma l-industrija ferrovjarja, it-trasport bl-ajru, it-torrijiet tal-imtieħen tar-riħ u oħrajn, fejn il-kumpaniji Ewropej jiffaċċjaw kompetizzjoni ħarxa (minn kumpaniji ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari ċ-Ċina).

4.4.   Id-dimensjoni soċjali

4.4.1.

Il-KESE diġà talab lill-Kummissjoni biex tiżviluppa d-dimensjoni soċjali tal-UE bil-għan li jitrawwem il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba, jittejbu l-ħiliet u l-kompetenzi, jiżdiedu l-investimenti soċjali u tiġi żviluppata l-ekonomija soċjali, kif ukoll jiġu evitati l-faqar, l-inugwaljanzi, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali, b’enfasi speċjali fuq l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà.

4.4.2.

Għal xi raġuni, hemm perċezzjoni li l-impjegati kienu dawk li sofrew l-aktar mill-kriżi ekonomika, li rriżulta f’żieda fil-qgħad u fil-faqar, staġnar jew tnaqqis fil-pagi reali u tnaqqis fil-benefiċċji soċjali. Il-KESE jqis bħala xieraq li jiġu implimentati politiki soċjali biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, li tikkawża diżinteress fil-konfront tal-UE, populiżmu akbar u l-proliferazzjoni tal-ksenofobija f’setturi tal-popolazzjoni. Filwaqt li għad fadal ħafna xi jsir biex il-konsegwenzi tal-kriżi jispiċċaw, ir-riċerka mill-Istitut Ewropew tat-Trejdjunjins (ETUI) (14), tgħid li l-ħaddiema f’disa’ Stati Membri qalgħu inqas fl-2017 milli fl-2010. Il-KESE jfakkar li f’sitt Stati Membri tal-UE m’hemm l-ebda paga minima obbligatorja, filwaqt li f’oħrajn huma baxxi ħafna (15).

4.4.3.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar rigward l-adattament tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu ambizzjżi u bbilanċjati fil-fażi tat-traspożizzjoni. Il-KESE jitlob ukoll lill-Kummissjoni li jmiss tressaq Pjan Ewropew ta’ Azzjoni għas-settur tal-ekonomija soċjali, li jipprovdi kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u jrawwem l-iżvilupp tas-settur.

4.5.   L-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku b’mod aktar effiċjenti

4.5.1.

Il-KESE josserva li, minkejja sforz kbir rigward l-implimentazzjoni tad-direttivi dwar is-Suq Uniku, il-fatti juru (16) li l-miżuri nazzjonali jistgħu jwasslu għal piżijiet sproporzjonati fuq iċ-ċittadini u n-negozji (17). Din hija xi ħaġa li għandha tiġi indirizzata b’mod partikolari mill-Istati Membri u l-għodod ġodda biex dan jiġi evitat għandhom ikunu prijorità.

4.5.2.

Il-KESE jenfasizza li s-sinjali reċenti relatati mal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE “mhux dejjem kienu inkoraġġanti”, li jirrikjedi impenn akbar mill-Istati Membri.

4.6.   L-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku

4.6.1.   Is-suq uniku diġitali u l-ekonomija tas-servizzi

4.6.1.1.

Matul is-snin il-KESE appoġġja l-ekonomija diġitali, filwaqt li kien konxju tal-fatt li l-futur tas-Suq Uniku huwa marbut magħha (18).

4.6.1.2.

Għal din ir-raġuni, il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-ftehim politiku (19) dwar l-ewwel programm Ewropa Diġitali 2021-2027 li qatt eżista (20) b’baġit totali ta’ EUR 9,2 biljun biex tissawwar u tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet u tal-ekonomiji tal-Ewropa, u b’hekk jiġu żgurati l-użu u l-adozzjoni wiesgħa ta’ teknoloġiji diġitali fl-ekonomija u fis-soċjetà kollha, sabiex tissaħħaħ it-tmexxija teknoloġika industrijali Ewropea.

4.6.1.3.

Issa li s-settur tas-servizzi qed jikkontribwixxi dejjem aktar għall-ekonomija globali tal-UE (21) u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE, huwa aktar meħtieġ minn qatt qabel li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta’ dan is-settur, b’mod partikolari peress li l-qligħ stmat ta’ dan is-settur huwa konsiderevoli (22).

4.6.2.   Ekonomija Ewropea tad-data

4.6.2.1.

Il-kwistjoni ewlenija għas-Suq Uniku hija li tinbena ekosistema tad-data bbażata fl-Ewropa bħala vettur indispensabbli għall-progress ekonomiku u soċjali, kif ukoll kompetittività b’saħħitha f’dinja li qiegħda fil-proċess ta’ trasformazzjoni radikali ma’ kompetituri b’saħħithom fl-Istati Uniti u l-Asja. Sabiex jitrawmu l-opportunitajiet ta’ konnettività u ta’ ħżin, hemm ħtieġa kbira għal investimenti pubbliċi u privati fl-infrastruttura fil-kontinent kollu (23).

4.6.2.2.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (24) huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja fis-Suq Uniku fir-rigward tad-data personali (25), iżda r-Regolament propost dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika (26) jrid jiġi ċċarat sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem (l-Artikoli 5, 8 u 11) kif ukoll il-possibbiltajiet għal restrizzjoni introdotti mil-leġislazzjoni nazzjonali (27).

4.6.3.   Ekonomija ċirkolari u finanzi sostenibbli

4.6.3.1.

Il-Kumitat jaqbel mal-għan li jiġi stabbilit qafas ta’ abilitazzjoni għat-tranżizzjoni għal mudell ċirkolari li jkopri ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodotti (28).

4.6.3.2.

Sistema soda għall-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli, b’approċċ fit-tul, hija xprun importanti sabiex tiġi rkuprata l-fiduċja fis-swieq u sabiex it-tfaddil jiġi marbut mal-investimenti sostenibbli. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE (29) dwar din il-kwistjoni għandu jippromovi tkabbir ekonomiku sostnut, inklużiv u sostenibbli, impjieg għal kulħadd u produttiv, u xogħol deċenti għal kulħadd (Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 8) (30).

4.6.4.   Swieq tal-prodotti u s-servizzi

4.6.4.1.

Il-mudell ta’ standardizzazzjoni jagħmel mill-UE mexxejja globali. Il-KESE jenfasizza l-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. L-uniformità u l-konsistenza tal-korp ta’ standards Ewropej huma żgurati permezz tal-prinċipju sottostanti ta’ “standard wieħed, test wieħed –- aċċettat madwar l-Ewropa”. Dan jipprovdi lin-negozji sigurtà tal-investiment, kif ukoll sigurtà legali u finanzjarja (31).

4.6.4.2.

Il-pakkett dwar “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha”għandu l-għan li jaċċellera, jittrasforma u jikkonsolida t-tranżizzjoni tal-ekonomija tal-UE għal enerġija nadifa, filwaqt li jżomm l-għanijiet importanti ta’ tkabbir ekonomiku u ta’ ħolqien tal-impjiegi (32).

4.6.4.3.

Wara r-Raba’ Pakkett Ferrovjarju (2013) (33), is-Sitt Rapport ta’ Monitoraġġ tas-Suq Ferrovjarju (RMMS) (34) juri żieda fit-tul totali tan-netwerk ferrovjarju tal-UE.

4.6.4.4.

“5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni” (35) jindirizza wieħed mill-aktar elementi kritiċi tal-ekonomija diġitali u tas-soċjetà; is-servizzi kummerċjali se jiġu pprovduti fl-2020. Fil-fehma tal-KESE, il-fatturi ewlenin se jkunu s-suċċess tal-proġetti introdotti matul il-fażi ta’ riċerka tal-5G-PPP (sħubija pubblika-privata fil-qasam tal-infrastruttura 5G) u l-integrazzjoni tan-netwerks fronthaul man-netwerks backhaul meta tiġi trażmessa data permezz ta’ swiċċijiet ta’ kapaċità għolja, rabtiet eteroġenji ta’ trażmissjoni u unitajiet ta’ pproċessar li jinsabu fil-cloud li jużaw diversi fornituri tal-Internet (36).

4.6.5.   Swieq kapitali aktar integrati u Unjoni Bankarja kompluta

4.6.5.1.

Wara l-miżuri adottati b’riżultat tal-kriżi finanzjarja, il-banek Ewropej issa jinsabu f’pożizzjoni aħjar biex jiffaċċjaw it-taqlib futur. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress ċar li sar fit-trasformazzjoni tal-MES f’Fond Monetarju Ewropew, li jista’ joffri likwidità b’mod prekawzjonarju, u b’hekk inaqqas il-programmi ta’ kondizzjonalità.

Madankollu, biex jiġu indirizzati l-perikli futuri fis-sistema finanzjarja, il-KESE jappoġġja t-tfittxija ta’ kunsens fost l-Istati Membri dwar l-istabbiliment ta’ Unjoni Bankarja b’saħħitha, b’enfasi fuq miżuri li jistgħu jnisslu iżjed fiduċja fiċ-ċittadini u l-kumpaniji.

4.6.6.   It-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-iffaċilitar tal-konformità mar-regoli tat-taxxa

4.6.6.1.

Regoli moderni dwar id-dritt soċjetarju fl-UE huma essenzjali għas-Suq Uniku. F’dan ir-rigward, il-Pakkett dwar id-Dritt Soċjetarju Ewropew jikkostitwixxi approċċ komprensiv, bil-għan li jiġu bbilanċjati u mħarsa l-interessi u l-ħtiġijiet leġittimi tal-partijiet ikkonċernati, l-SMEs, l-azzjonisti minoritarji, il-kredituri u l-impjegati kollha (37).

4.6.6.2.

L-esiġenza tal-unanimità fil-akaunsill tagħmel l-adozzjoni ta’ regoli komuni f’ċerti aspetti tat-tassazzjoni aktar diffiċli, l-iżjed b’rabta mal-Bażi Komuni (Konsolidata) għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) u Taxxa unika fl-UE fuq il-Valur Miżjud (VAT). Il-KESE japprova wkoll il-pakkett dwar ir-riforma tal-VAT (38).

4.6.7.   Mobbiltà sostenibbli

4.6.7.1.

Erbgħa minn kull għaxar sewwieqa Ewropej li ġew mistħarrġa (39) sostnew li jistennew li l-karozza li jmiss li jixtru se tkun elettrika. L-istandards ta’ karozzi nodfa u l-inċentivi għal vetturi elettriċi (EV) se jgħinu lill-manifatturi tal-karozzi tal-Ewropa jibqgħu kompetittivi fis-suq globali elettrifikat b’mod rapidu.

4.6.7.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji bħala eżempju tajjeb ta’ katina strateġika tal-valur fl-Ewropa. Madankollu, jeħtieġ li jsir sforz ferm akbar peress li d-ditti Ewropej għadhom konsiderevolment lura meta mqabbla mal-manifatturi Asjatiċi u tal-Istati Uniti fit-tellieqa biex ifornu vetturi rikarikabbli tas-suq tal-massa.

4.7.   It-triq ’il quddiem

4.7.1.

Il-proċess tas-Semestru Ewropew għandu jintuża bħala waħda mill-għodod biex nimxu b’mod aktar effiċjenti u rapidu lejn Suq Uniku aħjar fejn meħtieġ.

4.7.2.

L-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw minn djalogu aktar inklużiv ibbażat fuq l-aspettattivi tas-soċjetà ċivili. Is-Semestru Ewropew jagħmel parti minn dan id-djalogu u l-kapaċità tal-Istati Membri li jibbenefikaw minn “rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi”li jistgħu jtejbu, iżda mhux jimponu, riformi nazzjonali jidhru li huma pass essenzjali biex jinkiseb is-suċċess u tiġi involuta s-soċjetà.

4.7.3.

L-isforzi biex jiġu appoġġjati l-kisbiet tas-Suq Uniku għandhom ikunu preżenti fil-politiki u fl-impenji tal-Istati Membri kollh, flimkien mal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-kontribut tal-kumpaniji. Huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-komunikazzjoni effettiva bejn iċ-ċittadini u “l-proġett Ewropew ibbażat fuq is-Suq Uniku”jkunu prijoritajiet tal-Istati Membri. B’dan, il-mexxejja Ewropej se jikkontribwixxu biex jiġu evitati l-estremiżmu u l-azzjoni radikali kontra Suq Uniku.

4.7.4.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-talbiet u l-istediniet li l-Kummissjoni għamlet lill-Kunsill Ewropew, speċjalment dik biex jiġi żgurat li l-Kunsill jaħdem malajr mal-Parlament Ewropew biex mill-iżjed fis possibbli jiġu adottati l-inizjattivi leġislattivi b’konformità mal-Istrateġija għal Suq Uniku, is-Suq Uniku Diġitali u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja (40).

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  COM(2018) 772 final, Kapitolu 2.1.

(2)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(3)  COM(2015) 550 final, ĠU C 177, 18.5.2016, p. 1.

(4)  COM(2015) 468 final, ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17.

(5)  COM(2015) 192 final, ĠU C 71, 24.2.2016, p. 65.

(6)  COM(2018) 770 final.

(7)  COM(2018) 771 final.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/302.

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/644.

(10)  Id-Direttiva (UE) 2017/2455.

(11)  Ir-Regolament (UE) 2017/2394.

(12)  COM(2018) 238 final.

(13)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 117.

(14)  Benchmarking Working Europe 2018.

(15)  Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol.

(16)  COM(2018) 772 final, Kapitolu 2.1.

(17)  Ara l-inizjattiva Franċiża https://ue.delegfrance.org/suppression-de-sur-transpositions

(18)  ĠU C 71, 24.2.2016, p. 65; ĠU C 440, 6.12.2018, p. 57; ĠU C 75, 10.3.2017, p. 119; ĠU C 125, 21.4.2017, p. 51; ĠU C 288, 31.8.2017, p. 1; ĠU C 81, 2.3.2018, p. 102.

(19)  IP/19/528.

(20)  COM(2018) 434 final (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 292).

(21)  Is-settur tas-servizzi huwa attwalment l-aktar settur importanti fl-UE, li jammonta għal madwar 75 % tal-PDG tal-UE.

(22)  Ara COM(2018) 772 final: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Is-Suq Uniku f’dinja li qiegħda tinbidel, punt 3.4.

(23)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 130.

(24)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(25)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90.

(26)  COM(2017) 010 final.

(27)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 138.

(28)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 91.

(29)  COM(2018) 97 final; ĠU C 62, 15.2.2019, p. 73, ĠU C 62, 15.2.2019, p. 103, ĠU C 62, 15.2.2019, p. 97.

(30)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 73.

(31)  ĠU C 197, 8.6.2018, p.17.

(32)  ĠU C 246, 28.7.2017, p. 64.

(33)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.

(34)  COM(2019) 51 final.

(35)  COM(2016) 588 final.

(36)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 74.

(37)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 24.

(38)  ĠU C 237, 6.7.2018, p. 40.

(39)  https://www.euractiv.com/section/electric-cars/opinion/dont-let-european-automakers-lose-the-race-to-electrification

(40)  COM(2018) 772 final.


16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-intelliġenza artifiċjali għall-Ewropa”

(COM(2018) 795 final)

(2019/C 240/12)

Relatur: Tellervo KYLÄ-HARAKKA-RUONALA

Konsultazzjoni

Kummissjoni, 18.2.2019

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

2.4.2019

Adottata fil-plenarja

15.5.2019

Sessjoni plenarja Nru

543

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

210/2/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) u jappella li jiġi implimentat b’mod urġenti, meta wieħed iqis il-progress rapidu fl-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-IA barra mill-UE. Biex tirnexxi fil-kompetizzjoni globali, l-UE għandha tkun minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni u l-investiment, billi ssegwi l-prinċipju tal-“bniedem fil-kmand” u l-affidabbiltà tal-IA.

1.2.

Il-KESE jenfasizza li l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-IA għandhom ikunu inklużivi fir-rigward tal-atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-intrapriżi, il-ħaddiema u l-konsumaturi. L-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-IA għandha għalhekk tiffoka attenzjoni kif imiss dwar kif tista’ tagħmel l-aqwa użu mill-opportunitajiet tal-IA għas-soċjetà kollha.

1.3.

Il-KESE japprova l-inizjattivi biex jiġi allokat aktar finanzjament għall-innovazzjoni, l-infrastruttura, l-edukazzjoni u t-taħriġ relatati mal-IA, permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE. Il-Kumitat iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa lejn l-għanijiet komuni.

1.4.

Sabiex isaħħaħ l-iżvilupp u l-użu tal-IA mis-settur privat, il-KESE jappella għal ambjent kummerċjali favorevoli inkluż qafas ta’ politika u regolatorju abilitanti u stabbli li jistimula l-innovazzjoni u l-investiment tal-IA, li jqis il-ħtiġijiet speċjali tal-SMEs, in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu.

1.5.

Il-KESE jqis li huwa kruċjali li tiġi żgurata l-kwalità, id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-interoperabbiltà u l-fluss bla xkiel tad-data fis-suq uniku, filwaqt li jiġu żgurati l-protezzjoni tad-data u l-privatezza. Il-Kumitat iħeġġeġ l-iffaċilitar tal-aċċess għad-data pubblika u jitlob li jkun hemm kundizzjonijiet ta’ appoġġ għall-istabbiliment ta’ pjattaformi diġitali Ewropej.

1.6.

Il-KESE japprova l-inizjattivi dwar il-kooperazzjoni, is-sħubijiet u n-netwerks transkonfinali għat-trawwim tal-innovazzjoni u l-użu tal-IA u jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni wiesgħa bejn l-atturi differenti tas-soċjetà.

1.7.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jadattaw is-sistemi edukattivi tagħhom għad-domanda ġdida għall-ħiliet, liema ħaġa titlob riformi mill-iskejjel tal-pimarja sal-università. Barra minn hekk, it-tagħlim tul il-ħajja u t-tagħlim kontinwu huma neċessità, u se jseħħu dejjem aktar fil-kuntest tax-xogħol. Id-djalogu soċjali jaqdi rwol essenzjali fit-tbassir tat-tibdil u l-ħtiġijiet relatati max-xogħol.

1.8.

Rigward il-ġestjoni tat-tibdil strutturali relatat mal-IA, il-KESE kkunsidra t-tisħiħ tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bħala pass lejn fond Ewropew ta’ tranżizzjoni Ewropea komplut biex jgħin fil-ġestjoni tat-trasformazzjoni diġitali.

1.9.

Il-KESE jenfasizza li l-iżvilupp u l-użu tal-IA għandhom isiru f’konformità mal-valuri u mal-leġislazzjoni tal-konsumatur, tax-xogħol u tal-kumpaniji. Jeħtieġ li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jiġu involuti fit-tħejjija tal-politiki u l-miżuri relatati mal-IA. Jinħtieġ ukoll l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-IA biex tissaħħaħ il-fiduċja fost in-nies.

1.10.

Peress li l-IA għandha taqdi lis-soċjetà b’mod ġenerali u tikkunsidra l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali fl-istess ħin, il-KESE jissuġġerixxi li l-UE tadotta l-qafas ta’ żvilupp sostenibbli bħala approċċ gwida għal żviluppi futuri tal-IA. Il-KESE jitlob ukoll l-implimentazzjoni sostenibbli tal-IA minn organizzazzjonijiet individwali, inklużi prattiki adatti ta’ informazzjoni u konsultazzjoni.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Wara l-istrateġija dwar l-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa ppubblikata f’April 2018, il-Kummissjoni Ewropea ħadmet mal-Istati Membri biex tħejji pjan koordinat dwar l-IA bil-għan li jkun hemm l-aqwa impatt globali tal-miżuri, b’mod partikolari l-investiment, fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u li jiġi żgurat li l-UE tkun tista’ tlaħħaq mal-kompetizzjoni globali.

2.2.

Il-pjan koordinat jipproponi azzjonijiet konġunti f’erba’ oqsma: iż-żieda fl-investiment, it-tisħiħ tad-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data, it-trawwim tat-talent u tal-ħiliet, u l-iżgurar tal-fiduċja. Il-pjan koordinat jitlob ukoll lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom b’rabta mal-IA sa nofs l-2019.

2.3.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan koordinat bħala pass importanti biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Il-Kumitat ipprovda l-kummenti tiegħu dwar l-istrateġija f’Opinjoni preċedenti (1). Il-Kumitat ressaq ukoll Opinjoni dwar il-programm Ewropa Diġitali (2). Barra minn hekk, il-KESE ħejja Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja dwar aspetti differenti tal-IA (3), kif ukoll diversi Opinjonijiet oħra relatati mal-IA.

2.4.

Il-KESE jemmen li huwa importanti li l-miżuri ta’ implimentazzjoni jiġu ppjanati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, meta wieħeq iqis li l-kompetenzi tal-UE u tal-Istati Membri jvarjaw f’oqsma ta’ politika differenti. Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni jinħtieġu wkoll sabiex ikun hemm l-aqwa riżultati u l-effiċjenza mill-perspettiva tal-UE kollha kemm hi. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jieħdu l-passi meħtieġa lejn l-għanijiet komuni, filwaqt li jirrikonoxxu l-kundizzjonijiet differenti f’pajjiżi differenti.

2.5.

Minbarra l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika f’livelli differenti, tinħtieġ kooperazzjoni bejn l-atturi kollha tas-soċjetà. Dan huwa meħtieġ biex jiġu evitati l-inkonsistenzi, id-duplikazzjonijiet u l-lakuni fl-azzjoni u b’hekk jiżdiedu l-effiċjenza u l-impatt tal-miżuri.

2.6.

Il-KESE jappella għal urġenza fl-implimentazzjoni tal-istrateġija, minħabba li l-progress fl-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-IA jsir b’pass rapidu lil hinn mill-UE. Fl-istess ħin, l-UE u l-Istati Membri għandhom iżommu sod mal-miri fit-tul tal-istrateġija. Il-KESE japprova l-ambizzjoni għall-Ewropa “ssir reġjun minn ta’ quddiem fid-dinja fejn tiġi żviluppata u varata IA mill-aktar avvanzata, sigura u etika, li tħeġġeġ approċċ fejn il-bniedem huwa ċentrali fil-kuntest globali” (4).

2.7.

Biex tirnexxi fil-kompetizzjoni globali, l-UE għandha ssegwi l-mod tagħha b’mod determinat, filwaqt li fl-istess ħin tirrikonoxxi l-iżviluppi u x-xejriet esterni. Il-KESE jqis li huwa importanti li l-kompetittività u l-fiduċja jitqiesu flimkien. L-affidabbiltà għandha l-potenzjal li ssir vantaġġ kompetittiv għall-UE, għalkemm komponenti oħra tal-kompetittività għandhom ukoll ikunu fis-seħħ.

2.8.

Peress li l-IA għandha taqdi lis-soċjetà b’mod ġenerali, il-KESE jissuġġerixxi li l-UE tadotta l-qafas ta’ żvilupp sostenibbli bħala approċċ gwida għal żviluppi futuri tal-IA. L-iżvilupp sostenibbli bit-tliet dimensjonijiet tiegħu jitlob politiki u miżuri li jsaħħu l-ekonomija u jiġġeneraw il-benessri għas-soċjetà, filwaqt li jgħin ukoll biex jitnaqqsu l-impatti klimatiċi u ambjentali.

2.9.

Il-KESE josserva li l-politiki relatati mal-IA għandhom jitfasslu mill-perspettiva tal-atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-intrapriżi, il-ħaddiema u l-konsumaturi. Għandha tingħata attenzjoni dovuta fuq kif isir l-aqwa użu possibbli mill-opportunitajiet tal-IA għas-soċjetà kollha u kif jiġu minimizzati r-riskji, inkluża l-manipulazzjoni tal-proċessi demokratiċi.

2.10.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-inklużività u l-prinċipju li “ħadd ma jitħalla lura” fl-iżvilupp u l-użu tal-IA. Dan japplika għall-aċċessibbiltà tad-data u l-infrastruttura, id-disponibbiltà ta’ prodotti li faċli jintużaw mill-utenti u aċċess għall-għarfien u l-ħiliet. L-inklużività hija importanti kemm għan-nies kif ukoll għan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs. Għandhom jittieħdu miżuri speċjali biex jiżdiedu l-ħiliet tan-nisa fl-IA u jitħeġġu jidħlu f’impjiegi u jwettqu kompiti relatati mal-IA, inkluż fl-industrija.

2.11.

Minħabba l-isfidi kbar tas-soċjetà u l-iżvilupp estremament mgħaġġel tat-teknoloġiji, l-UE għandha tagħmel użu sħiħ mill-IA fl-analiżi ta’ tbassir dwar setturi bħall-kura tas-saħħa u t-trasport, inkluża l-kwistjoni tax-xogħol. Barra minn hekk, l-UE għandha tantiċipa l-opportunitajiet inerenti fit-teknoloġiji fixkiela (disruptive technologies) bħat-teknoloġija tal-kwantum.

3.   L-iffaċilitar tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp tan-negozju

3.1.

Minbarra li tipprovdi l-operazzjonijiet ta’ negozju b’aktar effiċjenza u produttività, l-IA ġġib magħha wkoll opportunitajiet ġodda ta’ negozju għal varjetà wiesgħa ta’ industriji u servizzi. Dan jgħodd kemm għall-kumpaniji l-kbar kif ukoll għall-SMEs, in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu. Barra minn hekk, se jinħolqu negozji kompletament ġodda.

3.2.

Meta jitqies li ħafna qed iseħħ barra l-UE dwar l-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-IA, l-UE għandha wkoll issaħħaħ l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kompetittività tagħha. Hawnhekk, mhux qed nitkellmu dwar “li jintgħażlu r-rebbieħa” iżda pjuttost dwar l-identifikazzjoni tal-problemi u l-isfidi li jridu jiġu indirizzati, bil-għan li jinħolqu u jinżammu l-kundizzjonijiet ideali biex isir użu mill-opportunitajiet u jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji relatati mal-IA.

3.3.

L-investiment fl-innovazzjoni u l-infrastruttura u l-iżvilupp ulterjuri tas-suq uniku huma l-oqsma ewlenin ta’ azzjoni li għandu jsir enfasi fuqhom. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ambjent tan-negozju imġenerali, bħat-tassazzjoni, ir-regolazzjoni u d-disponibbiltà tal-fatturi ta’ produzzjoni, għall-attivitajiet ta’ innovazzjoni u d-deċiżjonijiet dwar l-investiment mill-intrapriżi.

3.4.

Il-KESE japprova l-inizjattivi biex jiġi allokat aktar finanzjament għall-iżvilupp u l-adozzjoni tal-IA. Strumenti bħal Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitali, InvestEU u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi huma kollha strumenti siewja u meħtieġa biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u lill-investiment fl-IA.

3.5.

Filwaqt li s-settur pubbliku għandu rwol sinifikanti x’jaqdi permezz tal-investiment proprju tiegħu fl-IA u l-akkwist pubbliku, jinħtieġ ħafna investiment privat biex jiġġenera progress adegwat kemm fl-iżvilupp kif ukoll fl-adozzjoni tal-IA f’diversi setturi. Il-finanzjament pubbliku jipprovdi ingranaġġ għall-investiment privat u bħala tali huwa essenzjali. Madankollu, il-prattiki ta’ finanzjament għandhom ikunu aktar faċli għall-utent. Għandhom jiġu żviluppati wkoll ir-regoli dwar il-finanzjament biex jitħeġġeġ it-teħid ta’ riskji.

3.6.

L-ekosistemi tan-negozju, magħmula minn kumpaniji ta’ daqsijiet differenti u minn setturi differenti u minn partijiet differenti tal-ktajjen tal-valur, huma meħtieġa għall-iżvilupp u l-użu tal-IA, l-istess bħall-koordinazzjoni bejn in-negozji u l-partijiet interessati differenti. Il-KESE jappoġġja l-pjani tal-Kummissjoni li ttejjeb il-kooperazzjoni, is-sħubijiet u n-netwerks transkonfinali permezz ta’ ċentri konnessi ta’ eċċellenza fir-riċerka, faċilitajiet tal-ittestjar u ċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-konnessjonijiet mal-SMEs u jitlob il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fil-qafas taċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali.

3.7.

Il-kompetenzi u l-ħiliet jaqdu rwol sinifikanti bħala faċilitatur tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp tan-negozju relatat mal-IA. Hemm domanda mhux biss għal “ħiliet tal-IA” speċifiċi iżda wkoll għal ħiliet biex tiġi applikata l-IA f’negozji speċifiċi, inklużi l-ħiliet intraprenditorjali. Peress li t-talent il-ġdid għan-negozju u l-industrija jiġi promoss l-aħjar permezz ta’ proġetti ta’ riċerka, il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament adegwat għal dan it-tip ta’ riċerka.

3.8.

Il-pass mgħaġġel tal-iżviluppi jitlob aġilità fl-iffaċilitar tal-innovazzjoni fl-IA. Dan jirrikjedi siti ta’ ttestjar u “sandboxes” regolatorji li jippermettu li jiġu sperimentati ideat ġodda u ttestjati permezz ta’ proġetti pilota. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġu żgurati l-kondiviżjoni u r-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet.

3.9.

Il-KESE jappella għal aktar investiment fit-teknoloġija u l-infrastruttura meħtieġa mill-IA u mill-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-IA, inklużi l-kompjuters bi prestazzjoni għolja u n-netwerks mobbli 5G, flimkien ma’ miżuri għat-titjib taċ-ċibersigurtà. Barra minn hekk, l-UE għandha tkun fuq quddiem nett fl-iżvilupp tat-teknoloġija tal-kwantum, speċjalment il-quantum computing u l-komunikazzjonijiet tal-kwantum.

3.10.

Peress li l-IA hija bbażata primarjament fuq id-data, il-KESE jqis li huwa kruċjali li jiġu żgurati l-kwalità, id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-interoperabbiltà u l-fluss bla xkiel tad-data, filwaqt li jiġu żgurati l-protezzjoni tad-data u l-privatezza. Suq uniku tad-data li jiffunzjona sew qed isir dejjem aktar importanti, meta wieħed iqis li huwa interkonness mas-suq uniku tal-beni, il-kapital u s-servizzi.

3.11.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni favur il-ħolqien ta’ Spazju Ewropew komuni tad-Data. Il-Kumitat iħeġġeġ il-ftuħ u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-big data ġġenerata mis-settur pubbliku għall-utenti kollha, u għat-tisħiħ tal-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs). Il-KESE jitlob ukoll li jinħolqu kundizzjonijiet ta’ appoġġ għat-twaqqif ta’ pjattaformi Ewropej għall-kondiviżjoni tad-data. It-tisħiħ tal-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid tad-data għandu jkun allinjat ma’ kompetizzjoni ġusta u protezzjoni adatta tad-data u l-proprjetà intellettwali.

3.12.

Il-mudelli ta’ negozju bbażati fuq id-data, il-pjattaformi u l-ekosistemi qed isiru n-“normalità l-ġdida”. Filwaqt li llum il-ġurnata l-pjattaformi min-negozju għall-konsumatur huma dominati prinċipalment minn kumpaniji kbar minn barra l-Ewropa, l-UE jkollha potenzjal sinifikanti biex tikkompeti b’suċċess fl-oqsma tal-pjattaformi mill-pubbliku għaċ-ċittadin u minn negozju għal negozju. Fi kwalunkwe każ, huwa kruċjali li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-kompetituri barranin.

3.13.

Il-KESE jappella għal qafas ta’ abilitazzjoni li jistimula l-innovazzjoni u jevita li l-iżvilupp jixxekkel b’regoli u rekwiżiti dettaljati żżejjed, filwaqt li tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-IA. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni tivvaluta, flimkien mal-industriji u l-partijiet ikkonċernati, jekk hemmx biċċiet ta’ regolamentazzjoni li jistgħu jfixklu l-iżvilupp jew l-adozzjoni ta’ IA affidabbli, inkluża l-analiżi tal-idoneità tal-liġi tal-kompetizzjoni.

3.14.

Il-KESE jistieden ukoll lil dawk li jfasslu l-politika biex jikkunsidraw strumenti ta’ politika mill-perspettiva tas-settur ikkonċernat. Ma hemm l-ebda soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd, iżda s-setturi differenti għandhom il-ħtiġijiet u l-isfidi proprji tagħhom x’jegħlbu. Għandu jsir użu sħiħ tal-opportunitajiet ipprovduti mill-istandardizzazzjoni, pereżempju fil-promozzjoni tal-interoperabbiltà, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-veloċità tat-tibdil u l-ħtieġa għal titjib kontinwu.

4.   Nagħmlu possibbli li n-nies jippreparaw għall-ġejjieni

4.1.

Huwa ovvju li n-nies mhumiex konxji ħafna mill-opportunitajiet li tipprovdi l-IA biex jgħinuhom, filwaqt li ħareġ fid-dieher tħassib ċar dwar il-kontroll tal-magna. Il-KESE għalhekk huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet ippreżentati mill-IA għas-soċjetà inġenerali. Jinħtieġu wkoll aktar għarfien u fehim dwar in-natura u l-funzjonament tal-IA biex tissaħħaħ il-fiduċja tan-nies abbażi ta’ ħsieb kritiku. Barra minn hekk, il-KESE jappella għal data statistika mtejba u aktar riċerka dwar l-implikazzjonijiet tal-IA għall-impjieg u x-xogħol, inklużi studji dwar l-impatti speċifiċi għas-settur.

4.2.

Minħabba li l-IA għandha l-potenzjal li ġġib magħha implikazzjonijiet konsiderevoli għall-ħajja ta’ kuljum tan-nies bħala konsumaturi, kif ukoll għall-iżvilupp tal-impjiegi u x-xogħol tal-futur, huwa essenzjali li n-nies jingħataw l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jitħejjew għat-tibdil. L-imsieħba soċjali jaqdu rwol essenzjali biex jantiċipaw it-tibdil fix-xogħol, jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u jsaħħu l-impjegabbiltà tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

4.3.

L-użu tal-IA jimplika tibdil konsiderevoli fid-domanda għall-ħiliet. Minħabba n-natura profonda u mgħaġġla tal-iżvilupp tal-IA, iridu jiġu identifikati kemm il-ħtiġijiet immedjati kif ukoll dawk fit-tul għat-taħriġ u l-edukazzjoni. L-edukazzjoni għandha tissodisfa l-ħtiġijiet tal-ħiliet diġitali bażiċi kif ukoll avvanzati. Minbarra li jiżguraw il-litteriżmu bażiku tal-IA, il-ħiliet ġenerali għandhom jipprovdu lin-nies bil-kapaċità li japplikaw l-IA fil-ħolqien u l-użu ta’ soluzzjonijiet innovattivi fil-ħajja ta’ kuljum u fix-xogħol tagħhom, flimkien ma, pereżempju, sistemi ta’ kooperazzjoni bejn il-bniedem u r-robots.

4.4.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrispondu għad-domanda ġdida għall-ħiliet billi jadattaw is-sistemi edukattivi tagħhom. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili kkonċernati kemm fit-tfassil kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ programmi edukattivi u ta’ taħriġ ġodda, sabiex jittejbu l-ħiliet rilevanti fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà b’mod ġenerali. L-IA għandha tintuża wkoll fl-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet kif ukoll fl-organizzazzjoni u l-forniment tal-kontenut għall-edukazzjoni u t-taħriġ.

4.5.

Jinħtieġu riformi fil-kurrikuli mill-iskejjel primarji sal-universitajiet. Hemm bżonn ta’ bażi b’saħħitha fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika, filwaqt li jiġi rikonoxxut li kemm l-iżvilupp kif ukoll l-użu tal-IA jirrikjedu kompetenzi wiesgħa. Dan jenfasizza s-sinifikat tal-edukazzjoni fix-xjenzi soċjali u l-arti, fost affarijiet oħra.

4.6.

Minbarra l-iżvilupp tal-edukazzjoni bażika, hemm ħtieġa evidenti għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-persuni, inklużi l-għalliema. It-tagħlim tul il-ħajja u t-tagħlim kontinwu huma neċessità għal kulħadd biex ilaħħqu mal-iżviluppi attwali u futuri. It-tagħlim se jseħħ dejjem aktar fil-kuntest tax-xogħol u jkun ibbażat fuq ambizzjonijiet individwali.

4.7.

Il-KESE jemmen li l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ għandu jkun parti ċentrali tal-istrateġiji nazzjonali tal-IA, u li l-prattiki tajba tal-inizjattivi nazzjonali għandhom jiġu kondiviżi fil-livell Ewropew. Il-KESE jappella għal aktar allokazzjoni tal-fondi tal-UE biex jiġu appoġġjati r-riformi u l-inizjattivi ġodda meħtieġa fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

4.8.

Huwa importanti wkoll li jiġu ttrattati l-bidliet strutturali relatati mal-IA fir-reġjuni u s-setturi l-aktar milquta mill-użu tal-IA. L-Istati Membri għandhom iħejju approċċi dwar kif titnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet u jitnaqqsu l-impatti soċjali negattivi, inkluża l-protezzjoni ta’ dawk li ma jistgħux jiġu impjegati. L-aċċess għall-Internet irid jiġi żgurat ukoll fl-oqsma kollha sabiex jiġi evitat id-distakk diġitali. Il-KESE jara t-tisħiħ tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni propost mill-Kummissjoni bħala pass lejn l-istabbiliment ta’ fond Ewropew ta’ tranżizzjoni komplut li jgħin fil-ġestjoni tat-trasformazzjoni diġitali b’mod soċjalment responsabbli.

5.   It-trawwim tal-fiduċja fl-IA

5.1.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li biex jinħatfu l-opportunitajiet b’suċċess li tipprovdi l-IA, tinħtieġ fiduċja soda fiha. L-affidabbiltà hija mistennija mill-konsumaturi u l-impjegati, kif ukoll min-negozji – min iħaddem, l-intraprendituri, l-investituri u l-finanzjaturi.

5.2.

X’aktarx li t-tħassib relatat mal-IA se jonqos bis-saħħa ta’ aktar għarfien u fehim ta’ xi tfisser l-IA, kif tista’ tintuża u kif jittieħdu d-deċiżjonijiet tagħha. Dan se jqiegħed il-pedament għall-fiduċja fl-IA billi jippermetti l-ħsieb kritiku u l-kunsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet fundamentali bħall-prinċipju tal-“bniedem fil-kmand” u l-prospetti għall-persuni li jkollhom kontroll fuq ħajjithom. Min-naħa l-oħra, il-fiduċja tiddependi minn aspetti prattiċi ħafna bħall-faċilità tal-użu għall-utent.

5.3.

Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli Ewropew dwar l-IA dan l-aħħar nieda linji gwida dwar l-etika għal IA affidabbli. Il-KESE jieħu nota ta’ dawn il-linji gwida u jiġbed l-attenzjoni għar-rwol kruċjali ta’ data miftuħa, adegwata u affidabbli, it-trasparenza tad-deċiżjonijiet tal-IA u l-inklużività tal-iżvilupp u l-użu tal-IA. Il-KESE jappella wkoll għal diskussjonijiet wesgħin dwar kwistjonijiet bħall-implikazzjonijiet tat-tfassil tal-profili tal-persuni u l-prerekwiżiti biex jiġu sfidati d-deċiżjonijiet b’rabta mal-IA.

5.4.

Jekk jitqiesu fil-qafas tal-iżvilupp sostenibbli, l-aspetti etiċi diskussi prinċipalment jinkludu aspetti relatati mal-bniedem u għalhekk jagħmlu parti mid-dimensjoni soċjali tas-sostenibbiltà. Barra minn hekk, l-IA għandha tikkunsidra aspetti ambjentali bħal dawk relatati mat-tibdil fil-klima u r-riżorsi naturali, inkluż l-użu sostenibbli tal-enerġija u l-materja prima u l-evitar tal-obsolexxenza prematura tal-prodotti, fost l-oħrajn. Barra minn hekk, is-sostenibbiltà ekonomika teħtieġ li s-soluzzjonijiet tal-IA jkunu ekonomikament sodi, jiġifieri produttivi, profittabbli u kompetittivi.

5.5.

L-impatt tal-applikazzjonijiet tal-IA huwa element ieħor ta’ fiduċja. Jekk l-IA tibbenefika lis-soċjetà – fl-ispirtu tal-iżvilupp sostenibbli — billi tiġġenera l-prosperità ekonomika, il-benessri soċjali u s-saħħa, kif ukoll benefiċċji ambjentali, tista’ tiġi rikonoxxuta bħala “li tagħmel il-ġid”.

5.6.

Il-KESE jemmen li l-fiduċja fl-IA tista’ tiżdied permezz ta’ politika pubblika ċċentrati fuq iċ-ċittadin billi jiġu involuti r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-politiki u l-miżuri relatati mal-IA. Is-settur pubbliku jista’ jżid il-fiduċja fl-IA anke permezz ta’ amministrazzjoni ċċentrata fuq iċ-ċittadin, fejn l-IA jista’ jkollha rwol sinifikanti x’taqdi billi l-proċessi amministrattivi jsiru aktar faċli u mfassla apposta. Barra minn hekk, wieħed għandu jikkunsidra l-opportunitajiet ipprovduti, pereżempju, mit-teknoloġiji tal-blockchain, sabiex jittejbu s-servizzi diġitali fdati.

5.7.

L-iżvilupp u l-użu tal-IA għandhom isiru f’konformità sħiħa mal-liġi, kemm jekk tkun leġislazzjoni tal-konsumatur, tax-xogħol jew tal-kumpaniji. Hemm ħafna leġislazzjoni li hija rilevanti għall-iżvilupp u l-użu tal-IA. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza u tikkomplementa l-evalwazzjoni tagħha tal-partijiet rilevanti tal-leġislazzjoni, pereżempju fil-qasam tas-sikurezza u r-responsabbiltà, fir-rigward tal-adegwatezza tagħhom għall-iskop fir-rigward ta’ IA affidabbli. Il-fattibilità ta’ regolament settorjali rilevanti għandha tiġi riveduta wkoll.

5.8.

Madankollu, huwa importanti ħafna li l-approċċ u l-prinċipji ta’ IA affidabbli jiġu adottati u introdotti bħala parti integrali mill-kultura ta’ kull organizzazzjoni, kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku. L-etika tal-IA ma għandhiex titqies bħala xi ħaġa separata jew differenti mill-etika inġenerali. L-organizzazzjonijiet għandhom jintegraw l-etika tal-IA fl-istrateġiji globali tagħhom, il-kodiċijiet ta’ kondotta ġenerali u l-prattiki ta’ ġestjoni regolari, inklużi l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati, kif ukoll is-sistemi ta’ monitoraġġ u awditjar.

5.9.

L-adozzjoni proattiva ta’ IA affidabbli tista’ tittejjeb billi jiġu inklużi l-aspetti etiċi fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-iżviluppaturi u l-utenti tal-IA, kif ukoll billi jiġu pprovduti u implimentati linji gwida etiċi. Il-KESE huwa lest, min-naħa tiegħu, li jxerred l-informazzjoni dwar l-aspetti etiċi fost l-atturi tas-soċjetà ċivili.

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 51.

(2)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 292.

(3)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 43; ĠU C 440, 6.12.2018, p. 1; ĠU C 345, 13.10.2017, p. 52; ĠU C 190, 5.6.2019, p. 17.

(4)  COM(2018) 795 final ANNESS.