ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 167

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 62
16 ta' Mejju 2019


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2019/C 167/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9270 — VINCI Airports/Gatwick Airport) ( 1 )

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2019/C 167/02

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2019 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat ta' Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għall-Ungerija

2

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2019/C 167/03

Rata tal-kambju tal-euro

4

2019/C 167/04

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Pubblikazzjoni tal-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni fl-2018 għall-finijiet tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq fil-kuntest tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE

5

2019/C 167/05

Premju ġdid tal-UE għall-iskejjel li jgħallmu dwar l-UE

9


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI TAL-QORTI

 

Qorti tal-EFTA

2019/C 167/06

Talba għal Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti tal-EFTA min-naħa ta’ Borgarting lagmannsrett tal-10 ta’ Settembru 2018 fil-kawża ta’ Andreas Gyrre kontra l-Gvern Norveġiż (Il-Kawża E-1/19)

10

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2019/C 167/07

Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu

11

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2019/C 167/08

Avviż ta’ Informazzjoni — Konsultazzjoni Pubblika — L-ismijiet mill-Ażerbajġan li jridu jiġu protetti bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-Unjoni Ewropea

26


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

16.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.9270 — VINCI Airports/Gatwick Airport)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 167/01)

Fil-15 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32019M9270. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

16.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/2


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Mejju 2019

li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat ta' Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għall-Ungerija

(2019/C 167/02)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2003 li tistabbilixxi Kumitat ta' Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Wara li kkunsidra l-lista ta' kandidati ppreżentata lill-Kunsill mill-Gvernijiet tal-Istati Membri,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjonijiet tiegħu tat-12 ta' Marzu 2019 (2) u tal-15 ta' April 2019 (3), il-Kunsill ħatar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat ta' Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għall-perijodu mill-1 ta' Marzu 2019 sat-28 ta' Frar 2022.

(2)

L-organizzazzjonijiet tal-impjegati u ta' min iħaddem tal-Ungerija ressqu aktar nomini għal diversi karigi li jridu jimtlew,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-persuni li ġejjin huma b'dan maħtura membri u membri supplenti tal-Kumitat ta' Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għall-perijodu li jintemm fit-28 ta' Frar 2022:

II.   RAPPREŻENTANTI TAT-TRADE UNIONS

Pajjiż

Membru

Membri Supplenti

L-Ungerija

Is-Sur Károly GYÖRGY

Is-Sur Laszló MISKÉRI


III.   RAPPREŻENTANTI TA' MIN IĦADDEM

Pajjiż

Membru

Membri Supplenti

L-Ungerija

Is-Sur István KOMORÓCZKI

Is-Sa Melinda PARRAGHNÉ GÁL

Is-Sa Judit H. NAGY

Artikolu 2

Il-Kunsill għandu jaħtar lill-membri u l-membri supplenti li għadhom ma ġewx innominati f'data aktar tard.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata għall-informazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

P. DAEA


(1)  ĠU C 218, 13.9.2003, p. 1.

(2)  ĠU C 100, 15.3.2019, p. 1.

(3)  ĠU C 142, 23.4.2019, p. 20.


Il-Kummissjoni Ewropea

16.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/4


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-15 ta’ Mejju 2019

(2019/C 167/03)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1183

JPY

Yen Ġappuniż

122,24

DKK

Krona Daniża

7,4695

GBP

Lira Sterlina

0,86820

SEK

Krona Żvediża

10,7688

CHF

Frank Żvizzeru

1,1276

ISK

Krona Iżlandiża

137,40

NOK

Krona Norveġiża

9,8003

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,760

HUF

Forint Ungeriż

325,15

PLN

Zloty Pollakk

4,3094

RON

Leu Rumen

4,7615

TRY

Lira Turka

6,7780

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6166

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5075

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,7784

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7067

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5317

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 331,31

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

15,9620

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,6925

HRK

Kuna Kroata

7,4183

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 170,62

MYR

Ringgit Malażjan

4,6728

PHP

Peso Filippin

58,588

RUB

Rouble Russu

72,4794

THB

Baht Tajlandiż

35,322

BRL

Real Brażiljan

4,4659

MXN

Peso Messikan

21,4741

INR

Rupi Indjan

78,6785


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


16.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/5


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Pubblikazzjoni tal-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni fl-2018 għall-finijiet tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq fil-kuntest tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE

(2019/C 167/04)

1.   Daħla

Fl-2015, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċidew li jwaqqfu Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq (“MSR”) (1) fil-kuntest tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet (l-EU ETS) stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE (2). L-MSR bdiet titħaddem f’Jannar tal-2019. L-għan tagħha huwa li jiġi evitat li s-suq tal-karbonju tal-UE jaħdem b’eċċess strutturali kbir ta’ kwoti, bir-riskju assoċjat li dan ma jippermettix lill-EU ETS milli twassal is-sinjal tal-investiment meħtieġ biex il-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE tintlaħaq b’mod kosteffiċjenti.

Skont id-Deċiżjoni, sal-15 ta’ Mejju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni, u din għandha tibda tagħmel dan mill-2017 ’il quddiem. Din iċ-ċifra tiddetermina jekk il-kwoti li jkunu maħsubin biex jiġu rkantati fis-sena ta’ wara għandhomx jiddaħħlu fir-riżerva jew le.

Fil-15 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni ppubblikat l-għadd totali ta’ kwoti li kienu fiċ-ċirkolazzjoni fl-2017, li kienu jammontaw għal madwar 1,65 biljun kwota (3). Skont ir-regoli tal-MSR, abbażi ta’ din il-pubblikazzjoni se jiddaħħlu 264 731 936 kwota fir-riżerva tul l-ewwel tmien xhur tal-2019, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2019 ’il quddiem. (4)

Din il-Komunikazzjoni hija t-tielet pubblikazzjoni għall-finijiet tal-MSR, u hija għall-2018. Hija tinkludi l-għadd totali ta’ kwoti li kien hemm fiċ-ċirkolazzjoni fir-realtà u d-dettalji dwar kif ġiet ikkalkulata din iċ-ċifra. Din il-pubblikazzjoni se tiddetermina l-għadd ta’ kwoti li se jiddaħħlu fir-riżerva minn Settembru tal-2019 sa Awwissu tal-2020.

2.   Il-funzjonament tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq

L-MSR taħdem b’mod awtomatiku meta l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun ikbar minn medda ddefinita minn qabel. Il-kwoti jiżdiedu mar-riżerva jekk l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun jaqbeż il-limitu ta’ 833 miljun kwota. Il-kwoti jinħarġu mir-riżerva jekk l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun inqas minn 400 miljun kwota. Fil-prattika, il-kwoti jiżdiedu mar-riżerva billi jiġu rkantati inqas kwoti, filwaqt li dawn jinħarġu mir-riżerva billi jiġu rkantati 100 miljun aktar kwoti fil-futur.

Għaldaqstant, il-pubblikazzjoni tal-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni, li abbażi tiegħu l-kwoti jiżdiedu mar-riżerva jew jinħarġu minnha, hija element importanti għat-tħaddim tar-riżerva.

Fil-kuntest tar-reviżjoni tal-EU ETS (5), sar tibdil importanti fil-mod kif taħdem l-MSR. Fil-perjodu ta’ bejn l-2019 u l-2023 il-perċentwal tal-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni li jiddetermina l-għadd ta’ kwoti li jiddaħħlu fir-riżerva jekk jinqabeż il-limitu ta’ 833 miljun kwota se jiġi rduppjat b’mod temporanju minn 12 % għal 24 %. Barra minn hekk, mill-2023 ’il quddiem, il-kwoti li jinżammu fl-MSR li jkunu jaqbżu l-volum ta’ rkantar tas-sena ta’ qabel mhux se jibqgħu validi.

Għalhekk, abbażi ta’ din il-Komunikazzjoni, sa mill-1 ta’ Settembru 2019, 24 % tal-għadd totali tal-kwoti fiċ-ċirkolazzjoni se jiddaħħlu fir-riżerva fuq perjodu ta’ 12-il xahar (6). Ammont korrispondenti se jitnaqqas mill-volumi ta’ rkantar tal-Istati Membri, skont l-ishma ta’ rkantar rispettivi tagħhom. F’dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed jiftakar li sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-kwoti mqassmin mill-ġdid għall-finijiet tas-solidarjetà u tat-tkabbir fl-Unjoni ma jitqisux biex jiġu ddeterminati l-ishma rilevanti.

3.   L-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni

Skont l-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni “għandu jkun in-numru kumulattiv ta’ kwoti maħruġa fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008, inkluż in-numru maħruġ skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/87/KE f’dak il-perjodu u d-drittijiet biex jintużaw il-krediti internazzjonali eżerċitati mill-installazzjonijiet taħt l-EU ETS fir-rigward tal-emissjonijiet sal-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena partikolari, li minnu jitnaqqsu t-tunnellati kumulattivi tal-emissjonijiet ivverifikati mill-installazzjonijiet skont l-EU ETS bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Diċembru ta’ dik l-istess sena partikolari, kwalunkwe kwota kkanċellata skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE u n-numru ta’ kwoti fir-riżerva.”

Fi ftit kliem, l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni li jkun rilevanti għaż-żidiet fl-MSR u għar-rilaxxi minnha jiġi kkalkulat billi tintuża l-formula li ġejja:

l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni = il-provvista – (id-domanda + il-kwoti fl-MSR).

L-elementi differenti li jiddeterminaw l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni huma tlieta: l-ewwel wieħed huwa l-provvista tal-kwoti sa mill-1 ta’ Jannar 2008 ’l hawn; it-tieni wieħed huwa l-għadd ta’ kwoti ċeduti u kkanċellati (“id-domanda”); u t-tielet wieħed huwa l-kwoti li hemm fir-riżerva.

Kif previst fid-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, il-kwoti tal-avjazzjoni u l-emissjonijiet ivverifikati tal-avjazzjoni ma jitqisux f’dan il-kuntest.

3.1.   Il-provvista

Il-provvista tal-kwoti għas-suq tiġi ddeterminata minn ħames elementi differenti, li huma dawn li ġejjin:

il-kwoti mfaddlin bejn l-2008 u l-2012 (“it-tieni fażi”);

il-kwoti allokati mingħajr ħlas mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2018, inklużi l-kwoti allokati mir-riżerva għal min jidħol ġdid (“l-NER”);

il-kwoti rkantati bejn l-1 ta’ Jannar 2013 (7) u l-31 ta’ Diċembru 2018;

il-kwoti mmonetizzati mill-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI) għall-finijiet tal-programm “NER300”; u

id-drittijiet għall-użu tal-krediti internazzjonali eżerċitati mill-installazzjonijiet b’rabta mal-emissjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2018.

L-għadd ta’ kwoti mfaddlin mit-tieni fażi tal-EU ETS huwa ta’ 1 749 540 826 kwota (8). Dan “it-total ta’ tfaddil” jirrappreżenta l-għadd totali ta’ kwoti li nħarġu fit-tieni fażi tal-EU ETS li ma ġewx ċeduti biex ikopru l-emissjonijiet ivverifikati jew li ma ġewx ikkanċellati. Għalhekk, biex jiġi ddeterminat l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni, dan jirrappreżenta l-għadd ta’ kwoti tal-ETS li kienu fiċ-ċirkolazzjoni fil-bidu tal-perjodu ta’ bejn l-2013 u l-2020 (“it-tielet fażi”) fl-1 ta’ Jannar 2013, u jitqies bħala tali fil-kalkolu.

Skont ir-rapporti mill-irkantijiet fil-pjattaforma komuni tal-irkant u fil-pjattaformi rilevanti ta’ nonparteċipazzjoni (9), l-għadd ta’ kwoti rkantati bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2018, inklużi fl-hekk imsejħin “irkantijiet bikrin”, huwa ta’ 4 641 208 000 kwota.

L-għadd ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2018, inklużi l-kwoti allokati min-NER, huwa ta’ 5 162 023 498 kwota (10).

300 000 000 kwota ġew immonetizzati mill-BEI għall-finijiet tal-programm “NER300” (11).

Id-drittijiet għall-użu tal-krediti internazzjonali eżerċitati mill-installazzjonijiet b’rabta mal-emissjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2018 jikkorrispondu għal 434 049 616-il kwota (12).

3.2.   Id-domanda

Id-domanda hija magħmula mill-emissjonijiet ivverifikati totali mill-installazzjonijiet li kien hemm bejn l-1 ta’ Jannar 2013 (13) u l-31 ta’ Diċembru 2018, li kienu jammontaw għal 10 631 597 033 tunnellata (14), u mill-kwoti kkanċellati fl-istess perjodu, li kienu ta’ 315 083 kwota.

3.3.   Il-kwoti li hemm fl-MSR

Għall-perjodu kopert minn din il-pubblikazzjoni, ma kien hemm l-ebda kwota fir-riżerva (15).

3.4.   L-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni huwa ta’ 1 654 909 824 kwota.

4.   Konklużjoni

Skont ir-regoli tal-MSR, fiha se jiddaħħlu 397 178 358 kwota b’kollox fuq perjodu ta’ 12-il xahar, jiġifieri mill-1 ta’ Settembru 2019 sal-31 ta’ Awwissu 2020.

Il-pubblikazzjoni li jmiss se tkun f’Mejju tal-2020, sabiex jiġu ddeterminati ż-żidiet fir-riżerva għall-perjodu bejn Settembru tal-2020 u Awwissu tal-2021.

Tabella

Ħarsa ġenerali

Il-provvista

(a)

It-tfaddil mit-tieni fażi

1 749 540 826 kwota

(b)

L-għadd totali ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2018, inkluż min-NER

5 162 023 498 kwota

(c)

L-għadd totali ta’ kwoti rkantati bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2018, inklużi fl-irkantijiet bikrin

4 641 208 000 kwota

(d)

L-għadd ta’ kwoti mmonetizzati mill-Bank Ewropew tal-Investiment għall-finijiet tal-programm “NER300”

300 000 000 kwota

(e)

Id-drittijiet għall-użu tal-krediti internazzjonali eżerċitati mill-installazzjonijiet b’rabta mal-emissjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2018

434 049 616 -il kwota

L-ammont totali (tal-provvista)

12 286 821 940 kwota


Id-domanda

(a)

L-emissjonijiet ivverifikati mill-installazzjonijiet li jidħlu fl-EU ETS li kien hemm bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2018, f’tunnellati

10 631 597 033 tunnellata

(b)

Il-kwoti kkanċellati sal-31 ta’ Diċembru 2018 skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE

315 083 kwota

L-ammont totali (tad-domanda)

10 631 912 116 -il kwota


Il-kwoti li hemm fl-MSR

L-għadd ta’ kwoti fir-riżerva

0

 

L-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni

1 654 909 824 kwota


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(3)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bin-numru ta’ referenza C(2018) 2801 final, li tinsab fis-sit li ġej:

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52018XC0516(01)&from=MT.

(4)  Il-kontribuzzjonijiet ta’ kull Stat Membru għar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Awwissu 2019 ġew ippubblikati fir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill imsejjaħ “Rapport dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju” (COM(2018) 842 final), li ġie ppubblikat fis-17 ta’ Diċembru 2018 u li jinsab fis-sit li ġej: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52018DC0842&from=MT.

(5)  Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU L 76, 19.3.2018, p. 3), li tinsab fis-sit li ġej: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32018L0410.

(6)  Dan jirrappreżenta 2 % fix-xahar.

(7)  Din iċ-ċifra tinkludi l-hekk imsejħin “irkantijiet bikrin”, jiġifieri l-kwoti li huma validi għall-perjodu mill-2013 sal-2020 li ġew irkantati qabel l-1 ta’ Jannar 2013.

(8)  Ara r-rapport tal-2015 dwar is-suq tal-karbonju (COM(2015) 576 final).

(9)  Dawn jinsabu fis-siti li ġejjin: http://www.eex.com/en/products/environmental-markets/emissions-auctions/archive u https://www.theice.com/marketdata/reports/148

(10)  Skont silta mir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-UE (l-EUTL) tal-1 ta’ April 2019.

(11)  Porzjon wieħed ta’ 200 miljun kwota, li nbiegħu fl-2011 u fl-2012, u porzjon ieħor ta’ 100 miljun kwota, li nbiegħu fl-2013 u fl-2014; għal aktar dettalji ara s-sit li ġej:

https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/lowcarbon/ner300/docs/summary_report_ner300_monetisation_en.pdf.

(12)  Skont silta mill-EUTL tal-1 ta’ April 2019.

(13)  B’rabta mal-emissjonijiet ivverifikati li kien hemm fil-perjodu ta’ bejn l-2008 u l-2012, ara l-ispjegazzjoni dwar it-total tat-tfaddil (it-taqsima 3.1.).

(14)  L-emissjonijiet ivverifikati totali huma bbażati fuq silta mill-EUTL tal-1 ta’ April 2019 sabiex jitqiesu l-emissjonijiet ivverifikati rrappurtati sal-31 ta’ Marzu 2019. B’hekk, l-emissjonijiet irrappurtati wara dik id-data ma jingħatawx f’dan it-total.

(15)  Din il-Komunikazzjoni turi l-għadd totali ta’ kwoti li kien hemm fiċ-ċirkolazzjoni fi tmiem l-2018. L-MSR ilha titħaddem mill-1 ta’ Jannar 2019. Bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Awwissu 2019, se jiddaħħlu madwar 265 miljun kwota fir-riżerva, abbażi tal-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni għall-2017.


16.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/9


Premju ġdid tal-UE għall-iskejjel li jgħallmu dwar l-UE

(2019/C 167/05)

L-Unjoni Ewropea qed tistabbilixxi premju ġdid biex tippremja lill-għalliema u l-iskejjel talli jtejbu t-tagħlim dwar l-Unjoni Ewropea fl-iskejjel.

Il-premju l-ġdid se jissejjaħ “Il-Premju Jan Amos Comenius għal tagħlim ta’ kwalità għolja dwar l-Unjoni Ewropea”.

Il-kandidati eliġibbli huma l-iskejjel sekondarji stabbiliti fl-Unjoni Ewropea.

Il-premju se jippremja l-għalliema tal-iskejjel sekondarji u l-iskejjel li jispikkaw fl-għajnuna li jagħtu lill-istudenti tagħhom sabiex dawn jitgħallmu dwar l-UE b’modi li jispirawhom. Dan il-premju se jipprovdi rikonoxximent u viżibbiltà madwar l-UE kollha għal ħidma rilevanti u se jenfasizza l-importanza tat-tagħlim dwar l-UE f’età żgħira. Se juri metodi ta’ tagħlim ta’ ispirazzjoni li jinvolvu attivament lill-istudenti fit-tagħlim dwar l-UE u se jgħin fit-tixrid ta’ dawn il-prattiki.

Is-Sejħa għall-Applikazzjonijiet tal-2019 hija prevista li tiġi ppubblikata f’Settembru 2019.

Il-Kummissjoni Ewropea se tistabbilixxi u tippubblika r-Regoli tal-Kompetizzjoni. Dawn se jistabbilixxu l-kundizzjonijiet dettaljati għall-parteċipazzjoni, l-iskadenzi, il-kriterji tal-premjazzjoni, l-għadd u l-ammont ta’ premjijiet, l-arranġamenti għall-pagamenti lir-rebbieħa.

Il-premju huwa inizjattiva tal-Parlament Ewropew u se jiġi implimentat mid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura tal-Kummissjoni Ewropea.


V Avviżi

PROĊEDURI TAL-QORTI

Qorti tal-EFTA

16.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/10


Talba għal Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti tal-EFTA min-naħa ta’ Borgarting lagmannsrett tal-10 ta’ Settembru 2018 fil-kawża ta’ Andreas Gyrre kontra l-Gvern Norveġiż

(Il-Kawża E-1/19)

(2019/C 167/06)

B’ittra tal-10 ta’ Settembru 2018 il-Borgarting lagmansrett (il-Qorti tal-Appell ta’ Borgarting) għamlet talba lill-Qorti tal-EFTA, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti fit-3 ta’ Jannar 2019, għal Opinjoni Konsultattiva fil-kawża ta’ Andreas Gyrre kontra l-Gvern Norveġiż dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

1.

Il-punt 9 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern irid jiġi interpretat bħala li jkopri sitwazzjonijiet fejn operatur tas-suq jiddikjara, jew inkella jagħti l-impressjoni, li prodott jista’ jinbiegħ legalment fejn ikun hemm dispożizzjoni leġiżlattiva, bħal pereżempju fil-London Olympic Games and Paralympic Games Act 2006 (l-Att tal-2006 dwar il-Logħob Olimpiku u Parolimpiku f’Londra), fi Stat taż-ŻEE li jipprevedi li l-prodott ma jkunx jista’ jinbiegħ legalment u li huwa infurzat skont id-dritt nazzjonali?

a.

Il-fatt li l-projbizzjoni tapplika fi Stat taż-ŻEE fejn ikun se jintuża l-prodott iżda mhux fl-Istat fejn jinbiegħ il-prodott huwa ta’ rilevanza għal din il-valutazzjoni?

b.

Ikun rilevanti għall-valutazzjoni jekk, wara l-bejgħ, jinstab li l-projbizzjoni tkun tmur kontra l-liġi taż-ŻEE?

2.

Jekk il-konstatazzjoni dwar jekk il-projbizzjoni skont il-liġi nazzjonali tmurx kontra r-regoli tal-liġi taż-ŻEE għandha rilevanza għall-valutazzjoni taħt il-punt 9 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE:

a.

Il-projbizzjoni tal-bejgħ mill-ġdid ta’ biljetti, bħal ma hemm fil-London Olympic Games and Paralympic Games Act 2006, tikkostitwixxi regolamentazzjoni ta’ prattiki kummerċjali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern?

b.

Id-Direttiva tipprekludi l-projbizzjoni nazzjonali tal-bejgħ mill-ġdid, bħalma huwa previst fil-London Olympic Games and Paralympic Games Act 2006, fejn tali projbizzjoni tissalvagwardja mhux biss kunsiderazzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur iżda wkoll kunsiderazzjonijiet oħrajn bħas-sigurtà?

c.

Jekk huwa neċessarju li jiġi aċċertat jekk ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ mill-ġdid ta’ biljetti għal avvenimenti sportivi, bħal dawk tal-Logħob Olimpiku, imorrux kontra l-libertajiet fundamentali tal-Ftehim ŻEE, fosthom l-Artikoli 11 u 36 taż-ŻEE, liema kriterju jenħtieġ li jintuża mill-qorti nazzjonali bħala bażi għall-valutazzjoni tagħha dwar jekk tali restrizzjonijiet ikunux xierqa u neċessarji sabiex jinkisbu l-objettivi leġittimi bħall-protezzjoni tal-konsumatur u s-sigurtà?


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

16.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/11


Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu

(2019/C 167/07)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet ilment taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ meħjuta u/jew minsuġa, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu, qed ikunu sussidjati u b’hekk qed joħolqu dannu (2) lill-industrija tal-Unjoni.

1.   Ilment

L-ilment ġie ppreżentat fl-1 ta’ April 2019 minn Tech-Fab Europe (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal- produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta.

Verżjoni pubblika tal-ilment u l-analiżi tal-livell ta’ sostenn għall-ilment minn produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl li jista’ jiġi eżaminat mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl mill-partijiet interessati.

2.   Prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa materjali tar-raden jew tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu, minsuġa u/jew meħjuta, minbarra prodotti li jiġu impregnati jew impregnati minn qabel (prepreg), u minbarra materjali b’nisġa miftuħa b’ċelloli ta’ daqs ta’ iktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u b’piż ta’ iktar minn 35 g/m2 (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (3).

3.   Allegazzjoni ta’ sussidju

Il-prodott li allegatament qiegħed ikun sussidjat huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (“il-pajjiżi kkonċernati”), u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 39 00, ex 7019 40 00, ex 7019 59 00 u ex 7019 90 00 (kodiċijiet TARIC 7019390080, 7019400080, 7019590080 u 7019900080). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija bħala informazzjoni.

3.1    Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Il-Kummissjoni tqis li l-ilment jinkludi biżżejjed evidenza li l-produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina gawdew minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Il-prattiki tas-sussidji allegati jikkonsistu, fost l-oħrajn, minn (i) trasferiment dirett ta’ fondi, (ii) dħul tal-gvern mitluf jew mhux miġbur u (iii) forniment mill-gvern ta’ prodotti jew servizzi għal remunerazzjoni li mhix adegwata. L-ilment kien fih evidenza, pereżempju, ta’ self preferenzjali u l-provvista ta’ linji ta’ kreditu minn banek tal-Istat, programmi ta’ sussidju ta’ kreditu għall-esportazzjoni, garanziji ta’ esportazzjoni u assigurazzjonijiet u programmi ta’ għotjiet; tnaqqis fit-taxxa għal Impriżi tat-Teknoloġija Avvanzata u Ġdida, tnaqqis fit-taxxa għal riċerka u żvilupp, deprezzament aċċellerat ta’ tagħmir użat minn intrapriżi tat-Teknoloġija Avvanzata għal żvilupp u produzzjoni ta’ Teknoloġija Avvanzata, eżenzjoni mid-dividendi bejn intrapriżi residenti kkwalifikati, tnaqqis tat-taxxa minn ras il-għajn għal dividendi minn intrapriżi Ċiniżi li huma barra mill-pajjiż lejn il-kumpaniji prinċipali mhux Ċiniżi tagħhom, eżenzjonijiet mit-taxxa fuq l-użu tal-art u rifużjoni tat-taxxa fuq l-esportazzjoni; u l-forniment mill-gvern ta’ art u enerġija għal remunerazzjoni inqas milli adegwat;

L-ilmentatur jallega wkoll li l-miżuri ta’ hawn fuq jammontaw għal sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern taċ-Ċina jew minn gvernijiet reġjonali u lokali oħra (inklużi l-korpi pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lill-produtturi esportaturi tal-prodott li qed jiġi investigat. Dawn huma allegatament limitati għal ċerti impriżi jew industriji jew grupp ta’ impriżi u/jew kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u għaldaqstant huma speċifiċi u kumpensabbli. Fuq dik il-bażi, l-ammonti ta’ sussidju allegati huma sinifikanti għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga prattiki oħrajn ta’ sussidju rilevanti li jistgħu jiġu żvelati matul l-investigazzjoni.

3.2    L-Eġittu

Il-Kummissjoni tqis li l-ilment jinkludi biżżejjed evidenza li l-produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat mill-Eġittu gawdew minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-gvern tal-Eġittu.

Il-prattiki tas-sussidji allegati jikkonsistu, fost l-oħrajn, minn (i) trasferiment dirett ta’ fondi, (ii) dħul tal-gvern mitluf jew mhux miġbur u (iii) forniment mill-gvern ta’ prodotti jew servizzi għal remunerazzjoni li mhix adegwata. L-ilment kien fih evidenza, pereżempju, ta’ politika ta’ self preferenzjali, u benefiċċji tat-taxxa taħt il-liġijiet Eġizzjani, eżenzjoni mid-dazju tal-importazzjoni fuq l-importazzjoni ta’ materja prima u tagħmir tal-produzzjoni.

L-ilmentatur jallega wkoll li l-miżuri ta’ hawn fuq jammontaw għal sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Eġittu (inklużi l-korpi pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lill-produtturi esportaturi tal-prodott li qed jiġi investigat. Dawn huma allegatament limitati għal ċerti impriżi jew industriji jew grupp ta’ impriżi u/jew kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u għaldaqstant huma speċifiċi u kumpensabbli. Fuq dik il-bażi, l-ammonti ta’ sussidju allegati jidhru li huma sinifikanti għall-Eġittu.

Barra minn hekk, l-ilmentatur jallega li xi wħud mis-sussidji ngħataw direttament mill-Gvern tal-Eġittu, u xi wħud indirettament mill-Gvern taċ-Ċina, iżda permezz tal-Gvern tal-Eġittu. Skont l-ilment, l-uniku produttur esportatur Eġizzjan, li jinsab f’żona ekonomika speċjali (iż-Żona ta’ Kooperazzjoni Ekonomika u Kummerċjali bejn iċ-Ċina u l-Eġittu), huwa proprjetà Ċiniża. L-ilment fih evidenza tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn il-gvernijiet Ċiniżi u Eġizzjani kif ukoll ta’ self minn entitajiet statali Ċiniżi jew ikkontrollati mill-Istat Ċiniż lil banek Statali Eġizzjani. Fid-dawl tal-objettivi ta’ dawn il-ftehimiet u s-self, l-ilmentatur isostni li dan is-self huwa ta’ benefiċċju għall-produttur esportatur li huwa proprjetà taċ-Ċina fl-Eġittu.

Fid-dawl tal-Artikoli 10(2) u 10(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ħejjiet memorandum dwar is-suffiċjenza ta’ evidenza, li jinkludi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evidenza kollha li għandha dwar ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Eġittu u li abbażi tagħha l-Kummissjoni tibda l-investigazzjoni. Dak il-memorandum jinsab fil-fajl li jista’ jiġi vverifikat mill-partijiet interessati.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga sussidji rilevanti oħrajn li jistgħu jiġu żvelati matul l-investigazzjoni.

4.   Allegazzjonijiet ta’ dannu u rabta ta’ kawżalità

L-ilmentatur ippreżenta evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu f’termini assoluti b’mod ġenerali u żdiedu f’termini ta’ sehem mis-suq.

L-evidenza li pprovda l-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-qagħda finanzjarja, il-qagħda tal-impjiegi u l-prestazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Ladarba tistabbilixxi, wara li tkun infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment sar mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha, u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina fil-pajjiżi kkonċernati hux qed jiġi sussidjat u jekk dawn l-importazzjonijiet sussidjati ikkawżawx dannu jew qed jheddu li jikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.

Jekk il-konklużjonijiet ikunu affermattivi, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

Il-Gvern taċ-Ċina u l-Gvern tal-Eġittu ġew mistiedna għal konsultazzjonijiet.

Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2018, (il-pakkett tal-Modernizzazzjoni tat-TDI) daħħal, fost affarijiet oħra, numru ta’ tibdiliet fl-iskeda ta’ żmien u fl-iskadenzi li kienu applikabbli preċedentement fi proċedimenti antisussidji. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha bżonn tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji tliet (3) ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-limiti ta’ żmien għall-partijiet interessati biex jipprovdu evidenza, b’mod partikolari fl-istadju bikri tal-investigazzjonijiet, tqassru. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex jirrispettaw il-passi proċedurali u l-iskadenzi pprovduti f’din in-Notifika kif ukoll aktar komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni.

5.1.    Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni ta’ sussidjar u dannu se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2018 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dannu u ma’ kawżalità) jew dwar kull aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.3.    Proċedura għad-determinazzjoni tas-sussidjar

Il-produtturi esportaturi (5) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiżi kkonċernati huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Partijiet oħra li mingħandhom il-Kummissjoni se tfittex informazzjoni rilevanti biex tiddetermina l-eżistenza u l-ammont ta’ sussidji kumpensabbli konferiti fuq il-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna wkoll biex jikkooperaw mal-Kummissjoni kemm jista’ jkun.

5.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.3.1.1.   Proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li se jiġu investigati fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(a)   Kampjunar

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir b’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

B’hekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom, mitluba fl-Anness I ta’ din in-Notifika fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jekk ikun xieraq, dwar liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li teħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2398

Il-kwestjonarju se jkun disponibbli wkoll għal kull assoċjazzjoni ta’ produtturi esportaturi magħrufa, u għall-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li jkunu kkompletaw l-Anness I fl-iskadenza speċifikata u li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun”). Mingħajr preġudizzju għat-taqsima 5.3.1.(b) hawn taħt, id-dazju kumpensatorju li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li jikkooperaw, ma għandux jaqbeż l-ammonti medji ponderati tas-sussidjar stabbiliti għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (6).

(b)   Ammont individwali ta’ sussidjar kompensabbli għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun

Skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-ammont ta’ sussidju individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal ammont ta’ sussidju individwali jridu jikkompletaw il-kwestjonarju u jirritornawh komplut kif dovut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2398.

Il-Kummissjoni se teżamina jekk il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun jistgħux jingħataw ammont ta’ sussidju individwali skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun li jitolbu ammont ta’ sussidju individwali, jenħtieġ li jkunu konxji li l-Kummissjoni xorta waħda tista’ tiddeċiedi li ma tistabbilix l-ammont ta’ sussidju individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun tant ikun kbir li tali stabbiliment ikun wisq diffiċli li jsir u minħabba fih l-investigazzjoni ma tkunx tista’ titlesta fil-ħin.

5.3.1.2.   Il-proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati fl-Eġittu

Il-produtturi esportaturi u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-produtturi esportaturi fl-Eġittu huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, preferibbilment bil-posta elettronika, iżda mhux iktar tard minn sebat (7) ijiem wara l-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sabiex jippreżentaw lilhom infushom u jitolbu kwestjonarju.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-Eġittu.

Il-produtturi esportaturi fl-Eġittu jridu jimlew kwestjonarju fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kwestjonarju se jkun disponibbli wkoll għal kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u għall-awtoritajiet tal-Eġittu.

Kopja tal-kwestjonarju hawn fuq imsemmi għall-produtturi esportaturi hija disponibbli fil-fajl li jista’ jiġi eżaminat mill-partijiet interessati u fuq il-website tad-DĠ Kummerċ http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2398).

5.3.2.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (7) (8)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan il-proċediment, u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid ta’ kampjun”). Il-kampjunar isir b’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

B’hekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom, mitluba fl-Anness II ta’ din in-Notifika fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl li jista’ jiġi eżaminat mill-partijiet interessati. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tpoġġi għad-dispożizzjoni kwestjonarji għall-importaturi mhux relatati li jkunu parti mill-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2398

5.4.    Proċedura għall-istabbiliment tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

L-istabbiliment tad-dannu jissejjes fuq evidenza pożittiva u jinvolvi eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet issussidjati, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Minħabba l-għadd kbir ta’ produtturi kkonċernati tal-Unjoni u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-għadd tal-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jista’ jiġi eżaminat mill-partijiet interessati. B’hekk, il-partijiet interessati huma mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha, dwar il-kumpaniji li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.

Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2398

5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidju u ta’ ħsara kkawżati minnu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri kontra s-sussidju tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur u t-trejdjunjins tal-Unjoni huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni.

L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ħieles jew inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott li qed jiġi investigat, hija disponibbli fil-fajl li jista’ jiġi eżaminat mill-partijiet interessati u fuq il-website tad-DĠ Kummerċ http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2398. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

5.6.    Il-partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li ppreżentaw informazzjoni disponibbli skont il-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3, 5.4 u 5.5 ta’ hawn fuq, jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jieħdu sehem biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument li fih jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat. Il-fatt li wieħed jitqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq din il-paġna sabiex ikollok aċċess.

5.7.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġej:

Għal kwalunkwe seduta ta’ smigħ li ssir qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika u s-seduta ta’ smigħ normalment isseħħ fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Wara l-istadju proviżorju, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest (5) ijiem mid-data tal-iżvelar proviżorju jew tad-dokument ta’ informazzjoni, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tal-iżvelar jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni.

Fl-istadju definittiv, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tal-iżvelar finali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fil-perjodu mogħti biex isiru kummenti dwar l-iżvelar finali. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli jseħħ l-iżvelar finali addizzjonali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir sal-iskadenza sabiex jiġu pprovduti kummenti dwar dan l-iżvelar.

L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ barra l-limitu ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jiċħdu talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali ċaħda.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

5.8.    Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni soġġetta/i għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Ristretta” (9). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Partijiet li jagħtu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Jenħtieġ li dawn is-sommarji jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tagħtix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI), inklużi dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew fuq DVD bl-idejn jew permezz tal-posta rreġistrata. Meta jużaw il-posta elettronika jew TRON.tdi, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ)” ippubblikat fuq il-website tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf.

Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal tagħrif ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għal sottomissjonijiet permezz ta’ TRON.td u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi

:

https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi

Email

:

TRADE-AS656-GFF-SUBSIDY@ec.europa.eu

TRADE-AS656-GFF-INJURY@ec.europa.eu

6.   Skeda tal-investigazzjoni

Skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, normalment l-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, iżda mhux iktar minn 13-il xahar, mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, normalment il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ (9) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Skont l-Artikolu 29a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji tliet (3) ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu din l-informazzjoni bil-miktub fi żmien erba’ (4) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-partijiet interessati se jingħataw tlett (3) ijiem ta’ xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar kemm il-kalkoli huma preċiżi.

F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli l-investigazzjoni, il-partijiet interessati se jiġu infurmati bil-miktub bin-nuqqas ta’ impożizzjoni tad-dazji tliet (3) ġimgħat qabel l-iskadenza tat-terminu skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku.

Fil-prinċipju, il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Fejn ikun applikabbli, l-iżvelar addizzjonali finali jispeċifika l-iskadenza għall-partijiet interessati sabiex jikkummentaw bil-miktub.

7.   Sottomissjoni tal-informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni biss fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika. Il-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra mhux koperta minn dawk it-taqsimiet jenħtieġ li tirrispetta l-iskeda li ġejja:

Kull informazzjoni għall-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar proviżorju jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju proviżorju. Lil hinn minn tali skadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida diment li tali partijiet ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex jirribattu l-allegazzjonijiet fattwali magħmula minn partijiet interessati oħra u diment li tali informazzjoni fattwali ġdida tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi obbligatorji, il-Kummissjoni mhijiex se taċċetta iktar sottomissjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali.

8.   Possibbiltà għal kummenti dwar is-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fis-sottomissjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Tali kummenti jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

Jenħtieġ li kwalunkwe kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, isir fi żmien 75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew għad-dokument ta’ informazzjoni, jiġu ppreżentati fi żmien sebat (7) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tal-konstatazzjonijiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien tlett (3) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien jum wieħed (1) mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

Kwalunkwe estensjoni tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tista’ tintalab biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata.

L-estensjonijiet tal-iskadenza biex il-kwestjonarji jiġu kompluti jistgħu jingħataw, jekk debitament ġustifikati, u normalment ikunu limitati sa tlett (3) ijiem addizzjonali. Bħala regola, tali estensjonijiet ma jaqbżux sebat (7) ijiem. Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata f’din in-Notifika, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

10.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, konstatazzjonijiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nonkooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew fi spejjeż addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja l-Kummissjoni minnufih.

11.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u kull talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Fil-prinċipju, l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-Taqsima 5.7 sabiex jintalbu seduti ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal seduti ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-website tad-DĠ KUMMERĊ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

12.   Proċessar ta’ data personali

Kull data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fuq il-website tad-DĠ Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/html/157639.htm


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(2)  It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għat-theddida ta’ dannu materjali jew dewmien materjali tal-istabbiliment ta’ industrija kif stabbilit fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament bażiku.

(3)  Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jimplikaw il-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

(5)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li tipproduċi u li tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe waħda mill-kumpaniji relatati tagħha involuti fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(6)  Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku, kwalunkwe ammont żero u de minimis ta’ sussidji kompensabbli u l-ammonti ta’ sussidji kompensabbli stabbiliti fiċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku għandhom jitwarrbu.

(7)  Din it-taqsima tkopri biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jikkompletaw l-Anness I ta’ din in-Notifika għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjonijiet jew tal-ismha maħruġa bi dritt għal vot tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu bħala membri tal-istess familja jekk ikollhom xi waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika, u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(8)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll fir-rigward ta’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni apparti d-determinazzjoni tas-sussidjar.

(9)  Dokument “Ristretta” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim kontra s-Sussidji). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS I

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

Image 3

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Image 4

Test ta 'immaġni

Image 5

Test ta 'immaġni

ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

16.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/26


AVVIŻ TA’ INFORMAZZJONI — KONSULTAZZJONI PUBBLIKA

L-ismijiet mill-Ażerbajġan li jridu jiġu protetti bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-Unjoni Ewropea

(2019/C 167/08)

Fin-negozjati li għaddejjin mal-Azerbajġan għal Ftehim ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-Azerbajġan, qed tiġi kkunsidrata l-protezzjoni fl-Unjoni Ewropea, bħala indikazzjoni ġeografika, tal-ismijiet Ażeri stabbiliti hawn taħt.

Il-Kummissjoni tistieden lil kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż terz, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li għandha interess leġittimu, li hi residenti jew stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż terz, biex tressaq oppożizzjoni għal tali protezzjoni billi tibgħat dikjarazzjoni sostanzjata kif dovut.

Id-dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni jridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien xahar mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Id-dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni jenħtieġ li jintbagħtu f’dan l-indirizz elettroniku:

AGRI-A5-GI@ec.europa.eu

Id-dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni għandhom jiġu eżaminati biss jekk jaslu fil-limitu taż-żmien stabbilit hawn fuq u jekk dawn juru li l-protezzjoni tal-isem propost:

(a)

toħloq kunflitt mal-isem ta’ varjetà ta’ pjanta jew ta’ razza tal-bhejjem u b’hekk x’aktarx tkun tfixkel lill-konsumatur rigward l-oriġini vera tal-prodott;

(b)

hija kompletament jew parzjalment omonima ma’ dik ta’ isem li diġà huwa protett fl-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1) jew ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (2) jew li qiegħed fil-ftehimiet li l-Unjoni kkonkludiet mal-pajjiżi li ġejjin:

Il-Korea (3)

L-Amerika Ċentrali (4)

Il-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador (5)

Il-Montenegro (6)

Il-Bożnija-Ħerzegovina (7)

Is-Serbja (8)

Il-Georgia (9)

Il-Moldova (10)

L-Afrika t’Isfel (11)

CARIFORUM (12)

L-Ukrajna (13)

L-Iżvizzera (14)

L-Armenja (15)

L-Awstralja (16)

Iċ-Ċilì (17)

Il-Kanada (18)

L-Istati Uniti (19)

L-Albanija (20)

Il-Ġappun (21)

(c)

fid-dawl tar-reputazzjoni u l-fama tal-marka kummerċjali u t-tul ta’ żmien li ilha tintuża, tista’ tqarraq bil-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott;

(d)

tipperikola l-eżistenza ta’ isem jew ta’ marka kummerċjali kompletament jew parzjalment identiċi, jew tipperikola l-eżistenza ta’ prodotti li jkunu ilhom fis-suq b’mod legali għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż;

(e)

jew jekk jistgħu jingħataw dettalji li minnhom wieħed jista’ jikkonkludi li l-isem li għalih qed titqies il-protezzjoni huwa ġeneriku.

Il-kriterji msemmija hawn fuq għandhom ikunu evalwati b’rabta mat-territorju tal-Unjoni, li fil-każ tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jirreferi biss għat-territorju jew għat-territorji fejn dawn id-drittijiet huma protetti. Il-protezzjoni eventwali ta’ dawn l-ismijiet fl-Unjoni Ewropea hija soġġetta għall-konklużjoni b’suċċess ta’ dawn in-negozjati u għall-att legali sussegwenti.

Indikazzjoni Ġeografika mill-Ażerbajġan biex ikunu protetti bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea għal prodotti agrikoli, oġġetti tal-ikel u inbejjed  (22)

Isem li għandu jiġi protett fl-Azeri

Traskrizzjoni f’ittri Latini

Tip ta’ prodott

Abşeron

Absheron

Dolma taż-żebbuġ

Bakı

Baku

Dolma

Duzdağ

Duzdagh

Melħ

İsmayıllı

Ismayilli

Dolma (pip dolma)

K

Image 6

ng

Image 7

rli

Kengerli

Dolma tat-tuffieħ

L

Image 8

k

Image 9

ran

Lekoran

Dolma tal-lumi

Ordubad

Ordubad

Dolma (gupa dolma)

Qax

Gakh

Dolma mimlija fin-niexef

Q

Image 10

b

Image 11

l

Image 12

Gabala

Ġewża, dolma tal-ġewż tal-Indja

Quba

Guba

Dolma tal-bettieħ

Salyan

Salyan

Dolma tal-ħut

Az

Image 13

rbaycan**

Azerbaijan

Inbid

Meys

Image 14

ri**

Meysari

Inbid

Naxçıvan**

Nakhchivan

Għanbaqar

Naxçıvan**

Nakhchiıvan

Prodott tal-laħam (govurma)

Ş

Image 15

ki**

Sheki

Confisery (khalva)

Zir

Image 16

**

Zira

Żebbuġ

Zir

Image 17

**

Zira

Tadam


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/265/UE tas-16 ta’ Settembru 2010 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1).

(4)  Il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra (ĠU L 346, 15.12.2012, p. 3).

(5)  Il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 354, 21.12.2012, p. 3) u l-Protokoll tal-Adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador (ĠU L 356, 24.12.2016, p. 3).

(6)  Il-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra (ĠU L 108, 29.4.2010, p. 3).

(7)  Il-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnja u Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (ĠU L 164, 30.6.2015, p. 2).

(8)  Il-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/164/UE tal-14 ta’ Frar 2012 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 93, 30.3.2012, p. 1).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/7/UE tat-3 ta’ Diċembru 2012 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 10, 15.1.2013, p. 1).

(11)  Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati tal-SADC aderenti mal-FSE, min-naħa l-oħra (ĠU L 250, 16.9.2016, p. 3).

(12)  Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 289, 30.10.2008, p. 3).

(13)  Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3).

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2002/309/KE dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Żvizzera, u b’mod partikolari il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar in-Negozju fi Prodotti Agrikoli (ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132).

(15)  Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (ĠU L 23, 26.1.2018, p. 4).

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/49/KE tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja dwar il-kummerċ tal-inbid (ĠU L 28, 30.1.2009, p. 1).

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/979/KE tat-18 ta’ Novembru 2002 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċertu dispożizzjonijiet ta’ Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra (ĠU L 352, 30.12.2002, p. 1).

(18)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/91/KE tat-30 ta’ Lulju 2003 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada dwar kummerċ fl-inbejjed u l-ispirti (ĠU L 35, 6.2.2004, p. 1).

(19)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/232/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-Kummerċ tal-Inbid (ĠU L 87, 24.3.2006, p. 1).

(20)  Il-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra (ĠU L 107, 28.4.2009, p. 166).

(21)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2018 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (UE) 2018/1907 (ĠU L 330, 27.12.2018, p. 1).

(22)  Lista mogħtija mill-awtoritajiet Ażeri fil-qafas tan-negozjati li għaddejjin bħalissa, irreġistrata fl-Ażerbajġan jew fil-proċess li jiġu rreġistrati (**).