|
ISSN 1977-0987 |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 144A |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 62 |
|
Werrej |
Paġna |
|
|
|
V Avviżi |
|
|
|
PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI |
|
|
|
il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew |
|
|
2019/C 144 A/01 |
|
MT |
|
V Avviżi
PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI
il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
|
25.4.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 144/1 |
Avviż ta’ post battal Nru 20/19
dwar kariga waħda ta’ Direttur (M/F) fid-Direttorat E — Riżorsi Umani u Finanzi
(Pubblikazzjoni skont l-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal)
(2019/C 144 A/01)
Data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet: l-24 ta’ Mejju 2019 f’nofsinhar (ħin ta’ Brussell)
1. Post battal: AD 14
2. Dmirijiet:
Id-detentur tal-kariga (1), li jaqa’ taħt l-awtorità diretta tas-Segretarju Ġenerali, imexxi d-Direttorat għar-Riżorsi Umani u l-Finanzi (Direttorat E) tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), li jikkonsisti minn madwar 90 membru tal-persunal b’baġit annwali ta’ madwar EUR 130 miljun. Id-Direttur huwa responsabbli għall-iżvilupp strateġiku tad-Direttorat u huwa assistit minn Viċi Direttur, li huwa responsabbli partikolarment għas-superviżjoni u l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet fil-qasam tal-finanzi, il-baġit u l-kontabilità.
Il-kompiti tad-detentur tal-kariga jikkonsistu b’mod partikolari:
|
— |
fl-organizzazzjoni, il-koordinazzjoni, il-ġestjoni u s-sorveljanza tal-ħidma tad-diversi unitajiet u setturi li jiffurmaw id-Direttorat għar-Riżorsi Umani u l-Finanzi; |
|
— |
fl-iżvilupp strateġiku u l-implimentazzjoni ta’ politika dinamika fil-qasam tar-riżorsi umani u l-finanzi bil-għan li jiġu pprovduti r-riżorsi xierqa lill-membri u d-direttorati tal-KESE; |
|
— |
fis-sorveljanza tal-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani tal-istituzzjoni, kif ukoll il-qafas regolatorju applikabbli; |
|
— |
fil-parteċipazzjoni fi u l-ħidma ta’ monitoraġġ dwar il-kumitati interistituzzjonali, il-kumitati fi ħdan l-istituzzjoni u l-gruppi ta’ ħidma tal-membri relatati mal-attivitajiet tad-Direttorat; |
|
— |
fit-tmexxija ta’ negozjati mad-diversi rappreżentanti tal-persunal; |
|
— |
fl-assistenza mogħtija lill-awtorità tal-ħatra f’xogħol relatat mat-tfassil tal-pjan organizzattiv tas-segretarjat; |
|
— |
li jaġixxi bħala awtorità tal-ħatra fi kwistjonijiet delegati mis-Segretarju Ġenerali tal-KESE b’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura tal-KESE; |
|
— |
fil-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji tad-Direttorat (l-eżerċizzju tas-setgħat tal-uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega mill-Uffiċjal Awtorizzanti b’Delega); |
|
— |
fl-attendenza ta’ laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija tas-segretarjat tal-KESE; f’dan ir-rigward, jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-aġġornament tal-Pjan ta’ Ġestjoni u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet; |
|
— |
fl-attendenza tal-laqgħat tal-Bureau tal-KESE; |
|
— |
fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) fl-oqsma ta’ responsabbiltà tiegħu/tagħha, u l-parteċipazzjoni fil-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, li jissorvelja u jikkoordina l-attivitajiet tas-Servizzi Konġunti tal-KESE u tal-KtR. |
Min aħna:
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa korp konsultattiv tal-Unjoni Ewropea stabbilit fl-1958 u bħalissa huwa magħmul minn 350 membru li jirrappreżentaw tliet gruppi: il-Grupp ta’ Min Iħaddem, il-Grupp tal-Ħaddiema u l-Grupp Diversità Ewropa. Huwa leħen is-soċjetà ċivili organizzata fl-Ewropa. Il-KESE jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika u l-effettività tal-Unjoni Ewropea billi jagħti l-opportunità lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri jesprimu fehmiethom fil-livell Ewropew.
Id-Direttorat E huwa impenjat li jikkontribwixxi għall-missjoni tal-Kumitat billi jipprovdi forza tax-xogħol b’ħiliet u servizzi finanzjarji kompetenti lill-membri u lill-persunal. Id-Direttorat għandu l-għan li jkompli jiżviluppa ambjent tax-xogħol modern u inklużiv billi jippromovi d-diversità u r-rispett fil-post tax-xogħol, jiffaċilita l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u li tingħata prijorità lit-tagħlim u lill-iżvilupp. Il-missjoni tiegħu hija li jtejjeb kontinwament il-proċeduri bil-għan li tinkiseb effiċjenza akbar u tinżamm kultura ta’ servizz. Id-Direttorat huwa impenjat li jiżgura l-konformità mal-qafas regolatorju applikabbli (jiġifieri r-Regolamenti tal-Persunal u r-Regolament Finanzjarju).
Attwalment id-Direttorat huwa magħmul mill-unitajiet u s-setturi li ġejjin: Ippjanar u Taħriġ tal-HR; Reklutaġġ u Salarji; Kundizzjonijiet tax-Xogħol, Drittijiet, Obbligi u Pensjonijiet; Komunikazzjoni u Dokumentazzjoni Amministrattiva; Baġit; Servizzi għall-Membri; Finanzi, Verifika Finanzjarja u l-Akkwist Pubbliku; Kontabilità.
Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara s-sit web tal-KESE: http://www.eesc.europa.eu
X’noffru:
|
— |
ambjent tax-xogħol dinamiku u b’atmosfera amikevoli fejn il-ġestjoni effettiva, sens qawwi ta’ inizjattiva, spirtu ta’ tim u l-flessibbiltà huma ta’ valur kbir; |
|
— |
approċċ modern tar-riżorsi umani li jiffavorixxi arranġamenti tax-xogħol flessibbli sabiex jiġi żgurat bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. |
3. Eliġibbiltà:
Fid-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, kull kandidat għandu jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) Kundizzjonijiet ġenerali
|
— |
ikun ċittadin (2) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) u jgawdi d-drittijiet kollha bħala ċittadin (3); |
|
— |
ikun ħieles mill-obbligi kollha imposti fuqu mil-liġijiet tas-servizz militari; |
|
— |
jipproduċi r-referenzi ta’ karattru mitluba għat-twettiq tad-dmirijiet konċernati. Niġbdu l-attenzjoni tal-kandidati għar-restrizzjonijiet imposti mir-Regolamenti tal-Persunal u Uffiċjali tal-UE fir-rigward ta’ attivitajiet esterni, kariga uffiċjali li jkunu eletti għaliha u kunflitti ta’ interess (Artikoli 11, 11a, 12b, 13 u 15 tar-Regolamenti tal-Persunal); |
|
— |
jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ saħħa fiżika meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet involuti (4); |
|
— |
ikun taħt l-età tal-irtirar, li għall-uffiċjali tal-UE, hija stabbilita għall-aħħar tax-xahar li matulu l-persuna kkonċernata tilħaq l-età ta’ 66 sena. |
(b) Kundizzjonijiet speċifiċi
|
(i) |
Il-kandidati għandu jkollhom livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kkompletati u ċċertifikati b’diploma (5) uffiċjalment rikonoxxuta f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea f’qasam relevanti għad-dmirijiet deskritti taħt il-punt 2:
|
|
(ii) |
Wara li jkunu kisbu l-kwalifiki stabbiliti fil-punt 3(b)(i), il-kandidati għandhom ikunu kisbu esperjenza professjonali ta’ mill-inqas 15-il sena marbuta mad-deskrizzjoni tal-impjieg, inkluż mill-inqas ħames snin f’pożizzjoni maniġerjali. |
|
(iii) |
Il-kandidati għandu jkollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (UE) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Għal raġunijiet operattivi, huwa meħtieġ għarfien tajjeb ħafna (livell minimu ta’ B2 tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi) tal-Ingliż u tal-Franċiż, kemm orali kif ukoll bil-miktub. Il-kandidati huma mgħarrfa li r-rekwiżiti tal-lingwi f’dan l-avviż ta’ post battal ġew definiti fl-interess tas-servizz, li jitlob li d-Direttur il-ġdid ikun mill-ewwel operattiv u kapaċi jikkomunika b’mod effettiv fix-xogħol ta’ kuljum tiegħu/tagħha. Ilhom żmien twil jintużaw l-aktar l-Ingliż u l-Franċiż għall-komunikazzjoni interna fil-KESE u dawn huma wkoll l-aktar lingwi meħtieġa għall-komunikazzjoni mal-partijiet interessati esterni. |
4. Kriterji tal-għażla:
Jekk il-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fil-punt 3 (Eliġibbiltà) (a) u (b) huma sodisfatti, l-applikazzjonijiet tal-kandidati inkluż is-CV u l-ittra ta’ akkumpanjament ser jiġu evalwati fuq il-bażi tal-kriterji tal-għażla hawn taħt:
|
— |
għarfien tajjeb tad-diversi sferi ta’ attività u operazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari, il-KESE; |
|
— |
għarfien tajjeb tar-Regolamenti tal-Persunal u esperjenza soda fil-ġestjoni tar-riżorsi umani; |
|
— |
għarfien tajjeb taċ-ċiklu baġitarju tal-UE u tar-regoli finanzjarji u baġitarji tal-UE, inklużi l-proċeduri tal-akkwist; |
|
— |
rekord b’saħħtu fil-ġestjoni ta’ timijiet u baġits kbar, kif ukoll fil-proċessi tal-ġestjoni tal-bidla; |
|
— |
il-kapaċità li jfasslu u jimplimentaw strateġiji innovattivi, jistabbilixxu għanijiet futuri għad-Direttorat u jiddeskrivu u jirrapportaw dwar ir-riżultati li għandhom jinkisbu; |
|
— |
ħiliet analitiċi, ta’ netwerking u ta’ negozjar b’saħħithom f’livell għoli u l-kapaċità li jiksbu sinerġiji ma’ istituzzjonijiet Ewropej oħra u jirrappreżentaw l-interessi tal-KESE fuq livell interistituzzjonali; |
|
— |
ħiliet ta’ komunikazzjoni eċċellenti (kemm bil-miktub kif ukoll orali) sabiex ikunu jistgħu jikkomunikaw b’mod faċli u effiċjenti mal-membri, il-persunal u partijiet interessati oħra, kemm interni kif ukoll esterni; |
|
— |
il-ħila li jittrattaw kwistjonijiet sensittivi, ħiliet diplomatiċi tajbin u reżiljenza; |
|
— |
integrità, diskrezzjoni u rispett għall-etika eżemplari. |
5. Proċedura tal-għażla:
5.1. Ammissjoni għall-proċedura tal-għażla
Ser titfassal lista ta’ kandidati li ressqu applikazzjoni kompluta qabel id-data tal-iskadenza u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fil-punt 3(a). Din il-lista ser tintbagħat lill-president tal-bord tas-selezzjoni mal-applikazzjonijiet.
Il-bord tas-selezzjoni jeżamina l-applikazzjonijiet u jfassal il-lista tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fil-punt 3(b). Dan ser jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġjata minn dokumenti ġustifikattivi.
Kandidati li l-applikazzjonijiet tagħhom ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 3(a) u (b) huma meqjusa bħala mhux eliġibbli. Huma ser jiġu infurmati kif dovut.
5.2. Evalwazzjoni tal-kwalifiki
Abbażi ta’ kriterji stabbiliti minn qabel, il-bord tas-selezzjoni jipproċedi għall-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati eliġibbli bil-għan li titfassal lista ta’ kandidati bi profil li l-aktar jaqbel mad-deskrizzjoni tad-dmirijiet f’punt 2. Biex jagħmel dan, il-bord tas-selezzjoni l-ewwel ser jassenja fattur ta’ ponderazzjoni lil kull kriterju ta’ selezzjoni li jirrifletti l-importanza relattiva tiegħu. Il-punti ser jinġabru flimkien sabiex jiġu identifikati dawk il-kandidati li l-profil tagħhom jaqbel l-aktar mad-dmirijiet li għandhom jitwettqu.
Il-bord tas-selezzjoni ser jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-informazzjoni mogħtija mill-kandidat fil-formola tal-applikazzjoni (kwalifiki u esperjenza professjonali), Curriculum Vitae (CV) u ittra ta’ akkumpanjament.
Il-bord tas-selezzjoni jista’ jillimita l-għadd ta’ kandidati fil-lista qasira tal-kandidati li jgħaddu għall-istadju li jmiss għal dawk il-kandidati li jiksbu l-ogħla total ta’ punti fil-valutazzjoni tal-kwalifiki tagħhom.
Kandidati li ma jgħaddux għall-pass li jmiss se jkunu infurmati.
5.3. Intervista
Il-kandidati li jkunu temmew b’suċċess l-istadju preċedenti jiġu mistiedna għal intervista biex jiġu vvalutati u mqabbla fuq il-bażi tal-kwalifiki, l-esperjenza professjonali, il-ħiliet u l-għarfien tagħhom, kif stabbilit hawn fuq.
L-intervista ser issir bl-Ingliż u bil-Franċiż.
L-intervisti huma mistennija li jseħħu f’Ġunju/Lulju 2019 fl-uffiċċji tal-KESE fi Brussell (6).
Massimu ta’ sitt kandidati, li wara l-fażi tal-intervista jitqiesu bħala l-iżjed li jilħqu r-rekwiżiti tal-kariga, jiġu mistiedna jipparteċipaw f’ċentru ta’ evalwazzjoni. Huma ser jiġu infurmati dwar il-programm u l-metodoloġija fi żmien debitu u ser ikunu jistgħu jispeċifikaw il-lingwa preferuta tagħhom (Ingliż jew Franċiż). L-iskop ta’ din il-valutazzjoni huwa li tevalwa l-ħiliet maniġerjali tagħhom (il-ġestjoni tal-kompiti, tal-persuni u l-informazzjoni, il-ġestjoni personali u interpersonali). Ir-riżultat tal-valutazzjoni mhuwiex ta’ natura vinkolanti. Huwa maħsub li jagħti lill-bord tas-selezzjoni l-elementi addizzjonali għall-proċedura tal-għażla.
5.4. Lista finali tal-kandidati magħżula
Sabiex titlesta l-proċedura, bord tas-selezzjoni għandu jistabbilixxi lista ta’ kandidati magħżula u jibgħatha lill-Bureau tal-KESE li jaġixxi bħala l-awtorità tal-ħatra għal deċiżjoni finali.
6. Sommarju tal-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ:
L-awtorità tal-ħatra ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura biex timla l-pożizzjoni ta’ Direttur tar-Riżorsi Umani u l-Finanzi skont l-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea. Ser ikun hemm perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur jekk applikabbli.
Għal raġunijiet ta’ indipendenza, il-kandidat magħżul għandu jkun ġie meħlus mill-karigi kollha preċedenti sa mhux aktar tard mid-data li fiha jidba/tibda l-ħidma fil-kariga.
Għal iżjed tagħrif dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, jekk jogħġbok ikkonsulta r-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea:
http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF.
Il-post tal-impjieg huwa Brussell.
7. Applikazzjonijiet:
L-applikanti għal din il-kariga għandhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni onlajn (http://cdweb.eesc.europa.eu/cn/ae77k/dirE-EESC) flimkien ma’ dawn id-dokumenti mehmużin bl-Ingliż jew bil-Franċiż:
|
— |
ittra ta’ akkumpanjament; |
|
— |
Curriculum Vitae abbażi tal-mudell Europass (7); |
|
— |
kopji (8) tal-karta tal-identità jew tal-passaport; |
|
— |
kopji tal-lawrji u ċ-ċertifikati universitarji jew postgradwatorji; |
|
— |
kopji tal-attestazzjonijiet ta’ impjieg li jindikaw b’mod ċar in-natura u t-tul tal-attività rilevanti; |
|
— |
sakemm ma jkunx indikat b’mod ċar fil-lawrji universitarji, prova ta’ għarfien lingwistiku permezz ta’ ċertifikati jew, fin-nuqqas ta’ dan, spjegazzjoni dettaljata, dwar kif inkiseb dan l-għarfien; |
|
— |
għall-uffiċjali tal-UE, dokument uffiċjali li jiċċertifika l-progress fil-karriera u l-grad attwali. |
L-applikazzjonijiet mhux kompluti ser jitqiesu invalidi u mhux se jiġu kkunsidrati.
Iżjed ’il quddiem, il-kandidat magħżul jintalab jipproduċi l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha mitlubin.
Kopji ta’ dokumenti ġustifikattivi f’lingwa oħra li mhijiex il-Franċiż jew l-Ingliż għandhom ikunu akkumpanjati minn sommarju f’waħda minn dawk iż-żewġ lingwi.
Id-data tal-għeluq biex jintbagħtu l-applikazzjonijiet hija l-24 ta’ Mejju 2019 f’nofsinhar (ħin ta’ Brussell). Il-KESE mhu ser iqis l-ebda applikazzjoni li tasallu wara din id-data u ħin. L-applikanti huma mħeġġin ma jħallux għall-aħħar jum biex iressqu l-applikazzjoni tagħhom, peress li l-livell għoli ta’ traffiku fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet jistgħu jikkawżaw problemi biex tintbagħat l-applikazzjoni. Il-KESE ma jistax jinżamm responsabbli għal kwalunkwe dewmien minħabba diffikultajiet bħal dawn.
Il-kandidati b’diżabbiltà jew bi ħtiġijiet speċifiċi li jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet matul il-proċedura jistgħu jiddikjaraw dan il-fatt fil-formola tal-applikazzjoni u jagħtu kull informazzjoni rilevanti sabiex l-amministrazzjoni tkun tista’ tieħu l-miżuri xierqa, fejn possibbli. Jekk applikabbli, il-kandidati huma mistiedna jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom, fuq karta separata, dettalji dwar kwalunkwe arranġament li huma jqisu neċessarju biex jgħinhom.
8. Kummenti:
Jekk, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, jiġi stabbilit li l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni tal-kandidat ma tistax tiġi sostanzjata minn dokumenti ġustifikattivi jew li l-kandidati ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dan l-avviż ta’ post battal, l-applikazzjoni tiġi ddikjarata nulla u bla effett.
L-applikanti m’għandhom taħt l-ebda ċirkustanza jippruvaw jikkuntattjaw lill-membri tal-bord tas-selezzjoni, kemm direttament kif ukoll indirettament. L-awtorità tal-ħatra tirriżerva d-dritt li teskludi l-kandidati li jagħmlu dan.
L-awtorità tal-ħatra għandha l-ewwel tikkunsidra l-possibbiltajiet li l-kariga battala timtela permezz ta’ trasferiment intern, promozzjoni jew trasferiment interistituzzjonali.
Il-kariga se timtela kif u meta r-riżorsi baġitarji jippermettu.
Il-KESE jemmen fid-diversità u huwa favur ħafna r-rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-ġeneri, tan-nazzjonalitajiet kollha tal-Istati Membri u tal-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea. Huwa japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs li teskludi kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ ġeneru, diżabilità, razza, fehmiet politiċi jew reliġjużi jew orjentazzjoni sesswali. F’konformità ma’ dawn il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, l-applikazzjonijiet mill-ġeneru u n-nazzjonalitajiet l-inqas rappreżentati huma partikolarment imħeġġin.
Il-KESE huwa impenjat b’mod attiv favur il-protezzjoni tal-ambjent u għandu politika proattiva f’dan il-qasam.
B’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), ir-riċevitur jipproċessa d-data personali biss għall-għanijiet li għalihom tkun intbagħtet.
9. Talbiet għal rieżami — ilmenti:
Mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom li jressqu lment skont l-Artikolu 90(2) jew li jitressaq appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidati jistgħu jitolbu reviżjoni interna ta’ kull deċiżjoni meħuda mill-bord tas-selezzjoni li direttament u immedjatament taffettwa l-istatus tagħhom għall-għażla, minħabba n-nuqqas ta’ konformità tiegħu mar-regoli dwar il-proċedura tal-għażla deskritti f’dan l-avviż ta’ post battal. It-talba għandha ssir permezz tal-posta elettronika (selection2019-dirE@eesc.europa.eu) fi żmien għaxart ijiem kalendarji mid-data li fiha d-deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-kandidat permezz tal-posta elettronika. Din għandha tindika d-deċiżjoni u r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata t-talba.
Il-bord tas-selezzjoni jieħu deċiżjoni u tintbagħat tweġiba raġunata lill-kandidat fi żmien debitu.
(1) Kwalunkwe referenza f’dan l-avviż għal persuna tas-sess maskili għandha titqies li tikkostitwixxi wkoll referenza għal persuna tas-sess femminili
(2) Kif iddikjarat fl-Artikolu 28(a) tar-Regolamenti tal-Persunal.
(3) Qabel ma jinħatar, il-kandidat magħżul se jintalab jipprovdi ċertifikat mill-pulizija li jikkonferma l-assenza ta’ kwalunkwe rekord kriminali.
(4) Qabel ma jinħatar, il-kandidat magħżul jiġi eżaminat minn wieħed miċ-ċentri mediċi tal-UE, sabiex jiġi kkonfermat li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 28(e) tar-Regolamenti tal-Persunal.
(5) Jiġu kkunsidrati biss id-diplomi u ċ-ċertifikati li jkunu ngħataw fl-Istati Membri tal-UE jew li huma soġġetti għal ċertifikati ta’ ekwivalenza maħruġin mill-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati Membri.
(6) L-intervisti jistgħu jsiru permezz ta’ vidjokonferenza/Skype ma’ kandidati li mhumiex fi Brussell waqt l-intervisti. Il-KESE inkella jirrimborża l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u jagħti indennizz ta’ kuljum.
(7) https://europass.cedefop.europa.eu/editors/mt/cv/compose
(8) Jistgħu jiġu pprovduti kopji fil-lingwa oriġinali. Il-formola tal-applikazzjoni onlajn għandha timtela bl-Ingliż jew bil-Franċiż.
(9) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).