ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 110

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 62
22 ta' Marzu 2019


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-539 Sessjoni Plenarja tal-KESE, 12.12.2018–13.12.2018

2019/C 110/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-ispejjeż tan-nuqqas ta’ immigrazzjoni u tan-nuqqas ta’ integrazzjoni (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

1

2019/C 110/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Bijoekonomija sostenibbli u inklużiva – opportunitajiet ġodda għall-ekonomija Ewropea (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

9

2019/C 110/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament għall-klima għal atturi mhux statali (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

14

2019/C 110/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-sitwazzjoni ta’ nisa Rom (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Parlament Ewropew)

20

2019/C 110/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-swieq tax-xogħol Ewropej (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Parlament Ewropew)

26

2019/C 110/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE: kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart (opinjoni esploratorja)

33


 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

Il-539 Sessjoni Plenarja tal-KESE, 12.12.2018–13.12.2018

2019/C 110/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Settur Ewropew tal-bejgħ bl-imnut adattat għas-seklu 21[COM(2018) 219 final]

41

2019/C 110/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport tal-2017 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni[COM(2018) 482 final]

46

2019/C 110/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali[COM(2018) 398 final — 2018/0222 (NLE)]

52

2019/C 110/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi[COM(2018) 365 final — 2018/0189 (COD)]

55

2019/C 110/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament emendatorju (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq); ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju; ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej; ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; ir-Regolament (UE) 2015/760 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil; ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; ir-Regolament (UE) 2017/1129 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat; u d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu(COM(2018) 646 final — 2017/0230 (COD))

58

2019/C 110/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill Nru 98/700/ĠAI, ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill — Kontribut tal-Kummissjoni Ewropea għal-Laqgħa tal-Mexxejja f’Salzburg fid-19-20 ta’ Settembru 2018(COM(2018) 631 final — 2018/0330 (COD))

62

2019/C 110/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil dwar il-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online — Kontribut mill-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja f’Salzburg mid-19 sal-20 ta’ Settembru 2018(COM(2018) 640 final — 2018-0331 (COD))

67

2019/C 110/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 fir-rigward tal-proċedura ta’ verifika relatata mal-ksur ta’ regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew(COM(2018) 636 final — 2018/0328 (COD))

72

2019/C 110/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża(COM(2018) 476 final)

75

2019/C 110/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG)[COM(2018) 380 final]

82

2019/C 110/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (mill-2021 sal-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013[COM(2018) 366 final]

87

2019/C 110/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (programm kontinwu)(COM(2018) 337 final)

94

2019/C 110/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-politika ambjentali u b’hekk jemenda d-Direttivi 86/278/KEE, 2002/49/KE, 2004/35/KE, 2007/2/KE, 2009/147/KE u 2010/63/UE, ir-Regolamenti (KE) Nru 166/2006 u (UE) Nru 995/2010, u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u (KE) Nru 2173/2005(COM(2018) 381 final — 2018/0205 (COD))

99

2019/C 110/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill((COM(2018) 390 final — 2018/0210 (COD))

104

2019/C 110/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd(COM(2018) 330 final)

112

2019/C 110/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1005/2008, u r-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd(COM(2018) 368 final — 2018/0193 (COD))

118

2019/C 110/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara u li tħassar id-Direttiva 2005/45/KE(COM(2018) 315 final — 2018/0162(COD))

125

2019/C 110/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-perjodu 2021–2025 li jikkumplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni(COM(2018) 437 final — 2018/0226)

132

2019/C 110/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi(COM (2018) 445 final — 2018/0235 (NLE))

136

2019/C 110/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm ta’ assistenza għad-dekummissjonar nukleari tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja (il-programm Ignalina), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1369/2013 u (COM(2018) 466 final — 2018/0251 (NLE))Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi programm finanzjarju speċifiku għad-dekummissjonar tal-faċilitajiet nukleari u l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1368/2013 u (COM(2018) 467 final — 2018/0252 (NLE))Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ għajnuna tal-UE għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija, fis-Slovakkja u fil-Litwanja(COM(2018) 468 final)

141

2019/C 110/27

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment(COM(2017) 493 final)

145

2019/C 110/28

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)(COM(2018) 465 final — 2018/0247 (COD))

156

2019/C 110/29

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari(COM(2018) 460 final — 2018/0243 (COD))

163


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-539 Sessjoni Plenarja tal-KESE, 12.12.2018–13.12.2018

22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ispejjeż tan-nuqqas ta’ immigrazzjoni u tan-nuqqas ta’ integrazzjoni”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 110/01)

Relatur:

Pavel TRANTINA

Korelatur:

José Antonio MORENO DÍAZ

Data tal-Assemblea Plenarja

15.2.2018

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottat fis-sezzjoni

7.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

149/09/13

1.   Sommarju eżekuttiv tal-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jikkunsidra li l-immigrazzjoni għandha influwenza pożittiva fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni u tal-forza tax-xogħol. Jekk it-tkabbir naturali tal-popolazzjoni jsir negattiv, l-immigrazzjoni tista’ tgħin biex il-popolazzjoni totali u l-forza tax-xogħol jibqgħu kostanti. Ċertament, l-immigrazzjoni mhix is-soluzzjoni aħħarija biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tixjiħ demografiku fl-Ewropa. Madankollu, tista’ tkun ukoll rimedju għal nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet li mhumiex relatati mal-proċessi demografiċi.

1.2

Xenarju ta’ nuqqas ta’ immigrazzjoni fl-Ewropa jkun tfisser li:

L-ekonomiji tal-Istati Membri jsofru b’mod sostanzjali; is-swieq tax-xogħol jiġu taħt pressjoni possibilment irrikonċiljabbli, industriji sħaħ ifallu, il-produzzjoni agrikola tonqos, il-bini ma jkunx kapaċi jlaħħaq mad-domanda.

L-isfidi demografiċi jaggravaw; is-sistemi ta’ pensjoni jistgħu jsiru mhux sostenibbli, is-settur tas-saħħa u l-kura jista’ jikkrolla, id-depopolazzjoni ta’ ċerti oqsma jipproċedu b’pass mgħaġġel; effettivament il-koeżjoni soċjali tiddgħajjef.

Projbizzjoni totali fuq il-migrazzjoni legali twassal għal żieda fit-tentattivi ta’ migrazzjoni irregolari; din min-naħa tagħha twassal għal titolizzazzjoni eċċessiva, ripressjoni eċċessiva u żamma tal-ordni pubblika eċċessiva, u iġġarrab spejjeż enormi; tinkoraġġixxi xogħol illegali, sfruttament u skjavitù modern, u tentattivi ddisprati ta’ riunifikazzjoni tal-familji.

Ir-razziżmu u l-ksenofobija jinxterdu aktar mill-preżent; persuni li kienu stabbilixxew ruħhom qabel bi sfond ta’ migrazzjoni, inklużi t-tieni u t-tielet ġenerazzjonijiet, jsiru miri ta’ nuqqas ta’ fiduċja u rabja popolari.

1.3

B’kuntrast ma’ dan, il-potenzjal li ġej tal-migrazzjoni jista’ jiġi identifikat f’pajjiżi ospitanti: jistgħu jimtlew postijiet tax-xogħol battala u nuqqasijiet ta’ ħiliet, it-tkabbir ekonomiku jkun jista’ jiġi sostnut u s-servizzi għal popolazzjoni li qed tixjieħ jistgħu jinżammu meta ma jkunx hemm żgħażagħ biżżejjed lokalment. Id-distakk fil-pensjonijiet jista’ jingħalaq mill-kontribuzzjonijiet ta’ ħaddiema żgħażagħ ġodda. L-immigranti jġibu l-enerġija u l-innovazzjoni. Il-pajjiżi ospitanti huma arrikkiti mid-diversità kulturali u etnika. Iż-żoni li qed tonqsilhom il-popolazzjoni jistgħu jerġgħu jiġu mġedda, inklużi skejjel li jistgħu jiġu ttrasformati. Pajjiżi ta’ oriġini jibbenefikaw minn rimessi (pagamenti mibgħuta lura mill-migranti), li issa ħafna drabi jiskorru l-għajnuna barranija. Il-migranti li jirritornaw lejn pajjiżhom iġibu tfaddil, ħiliet u kuntatti internazzjonali.

1.4

It-twettiq tal-potenzjal sħiħ tal-migrazzjoni jirrikjedi approċċ li, fost affarijiet oħra, jagħmel użu aħjar mill-ħiliet tal-popolazzjoni tal-migranti. Il-KESE huwa konvint li dan għandu jkun appoġġjat minn politiki u mekkaniżmi adegwati ta’ validazzjoni ta’ ħiliet u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp rapidu tagħhom. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni xierqa ta’ sħubijiet ta’ ħiliet ma’ pajjiżi mhux tal-UE tkun ta’ benefiċċju reċiproku kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti.

1.5

L-UE għandha tadotta politiki u miżuri li japprovaw migrazzjoni sikura, ordnata u regolari u jsaħħu wkoll l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali.

1.6

In-nuqqas ta’ integrazzjoni ġġib magħħa riskji u spejjeż ekonomiċi, soċjokulturali, u politiċi. Għalhekk, l-investiment fl-integrazzjoni tal-migranti huwa l-aħjar politika tal-assigurazzjoni kontra spejjeż, problemi u tensjonijiet futuri potenzjali. Il-politiki pubbliċi għandhom jindirizzaw il-biżgħat, it-tħassib u l-inkwiet ta’ diversi sezzjonijiet tal-popolazzjoni fis-soċjetajiet tal-UE sabiex jiġu evitati diskorsi ksenofobiċi u kontra l-UE. Il-politiki rilevanti għandhom jinkludu sett ċar, konsistenti u raġunat ta’ obbligi fuq il-migranti nfushom, iżda ugwalment denunzja konsistenti ta’ retorika u mġiba kontra l-migranti.

1.7

Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-promozzjoni tal-integrazzjoni hija essenzjali biex jissaħħu l-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-UE, li minnhom id-diversità, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni huma kruċjali. L-integrazzjoni tappartjeni lis-soċjetà kollha, inklużi l-migranti li joqogħdu f’pajjiż ospitanti, irrispettivament mill-istatus jew l-oriġini tagħhom. Madankollu, politiki speċjali huma meħtieġa għal persuni b’vulnerabbiltajiet partikolari (bħar-refuġjati) u approċċ ibbażat fil-komunità u appoġġ immirat mfassal apposta aktar milli ta’ universalità jista’ jagħti l-aħjar riżultati. Huwa imperattiv, għalhekk, li l-Istati Membri tal-UE jitgħallmu minn xulxin u jistinkaw b’mod onest biex joħolqu ambjent li fih l-integrazzjoni tal-migranti tkun tista’ tinkiseb u r-riskji jiġu evitati.

2.   Sfond u objettivi tal-Opinjoni

2.1

L-akbar flussi migratorji fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, qajmu t-tħassib taċ-ċittadini dwar aktar flussi migratorji mhux kontrollati u enfasizzaw l-importanza ta’ approċċ konġunt fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u biex tiġi żgurata l-kapaċità tal-UE li taġixxi. L-Istati Membri tal-UE qed jiffaċċjaw sfidi fir-rigward tal-ġestjoni, il-finanzjament u l-komunikazzjoni ta’ migrazzjoni, kif ukoll il-biżgħat taċ-ċittadini dwar dan. Filwaqt li s-sitwazzjoni ġiet abbużata minn xi politiċi, il-KESE huwa konvint li hemm ħtieġa urġenti biex tinbidel in-narrattiva dwar il-migrazzjoni u r-ritorn għal dibattitu razzjonali, abbażi tal-fatti. Ir-refuġjati u l-migranti m’għandhomx jitqiesu bħala theddida iżda bħala opportunità għall-mudell ekonomiku u soċjali tal-Ewropa.

2.2

Il-politiki attwali li jqiegħdu l-kontroll tal-migrazzjoni fil-quċċata tal-aġenda tal-affarijiet barranin jimminaw il-pożizzjoni tal-UE fir-relazzjonijiet barranin, li jagħmluha suxxettibbli għal rikatt u telf ta’ kredibbiltà dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Il-KESE huwa konvint li l-UE u l-Istati Membri għandhom imorru lil hinn mill-mudell attwali u jiżguraw li jiġu promossi modi regolari ta’ dħul li jiffaċilitaw il-migrazzjoni ordnata u l-inklużjoni b’suċċess. Ir-rotot sikuri u legali jistgħu jtaffu l-pressjoni fuq is-sistema tal-ażil tal-UE.

2.3

Fl-istess ħin, sakemm is-swieq tal-UE jippromovu d-domanda għax-xogħol, se jkun hemm il-migrazzjoni: regolari jew mod ieħor. F’ċerti professjonijiet, mill-inqas, id-domanda se tikber (fis-settur tal-kura, ix-xogħol domestiku, is-servizzi soċjali, il-bini, eċċ.) (1).

2.4

Fil-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili tal-2017 f’Ġunju, Federica Mogherini, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għamlet diskors ewlieni dwar “L-Ewropa Globali u r-rwol tagħha fil-paċi u l-istabbiltà” (2). Fih, hija qalet li l-Ewropa kellha bżonn il-migrazzjoni minħabba raġunijiet ekonomiċi u kulturali. Hija ssuġġeriet li l-KESE jfassal studju jew rapport dwar l-ispejjeż tan-nuqqas ta’ migrazzjoni, minħabba li l-impressjoni tagħha kienet li jkun hemm kollass f’setturi tal-ekonomiji Ewropej jekk il-migranti kollha kellhom jisparixxu minn jum għall-ieħor. Ir-rapport iwassal il-fehmiet tal-atturi ekonomiċi u soċjali dwar kif tkun tidher l-Ewropa mingħajr il-migranti. Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja hija segwitu tal-idea tagħha.

2.5

Il-migrazzjoni għandha ħafna aspetti – tista’ tkun regolari, irregolari jew, kif kien il-każ f’dawn l-aħħar tliet snin, umanitarja, wara l-gwerra fis-Sirja u f’partijiet oħra tad-dinja. Il-flussi migratorji huma wkoll imħallta u l-migrazzjoni tal-ħaddiema tista’ tkun staġjonali, manwali jew b’ħiliet għolja. Dan id-dokument jiffoka l-aktar fuq migrazzjoni tal-ħaddiema sikura, ordnata u appoġġjata mill-UE (u r-riunifikazzjoni tal-familji relatata); madankollu, tinnota wkoll forom oħrajn ta’ immigrazzjoni fl-UE u l-kontribuzzjonijiet potenzjali tal-migranti li ġejjin għal migrazzjoni (temporanja) umanitarja (dawk li jfittxu ażil) u tal-migrazzjoni irregolari.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Id-demografija — il-popolazzjoni li qed tixjieħ u n-numri dejjem jonqsu tagħha fl-UE

3.1.1

Fil-bidu tas-seklu 21, l-Ewropa qed tiffaċċja popolazzjoni li qed tixjieħ, popolazzjonijiet lokali li qed jistaġnaw jew saħansitra jiċkienu, qgħad għoli u – f’xi wħud mill-membri ewlenin tagħha – anke bi tkabbir ekonomiku baxx. Fl-istess ħin, l-Ewropa tibqa’ waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin għall-migrazzjoni (3).

3.1.2

Il-bidliet fid-daqs tal-forza tax-xogħol jippreżentaw waħda mill-isfidi ewlenin għall-Unjoni Ewropea. Filwaqt li l-provvista ta’ ħaddiema (id-daqs tal-forza tax-xogħol) ma tiżviluppax indipendentement mid-domanda għall-ħaddiema, it-trajettorji futuri tagħha jistgħu jiġu stmati billi jiġu kkombinati diversi xenarji ta’ parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol bi projezzjonijiet tal-popolazzjoni, kif identifikati mill-awturi tal-Iskeda Ewropea tad-Data Demografika 2018 (4). Il-forza tax-xogħol attwali fl-Unjoni Ewropea tinkludi madwar 245 miljun ħaddiem. Sabiex tiġi stmata firxa ta’ provvista futura ta’ ħaddiema sal-2060, l-awturi fissru tliet xenarji għall-parteċipazzjoni fil-forza tax-xogħol, li jvarjaw bejn 214, 227 jew 245 miljun ħaddiem.

3.1.3

Tbassir ieħor, bħal dak ippreżentat mill-iskeda informattiva tal-Kummissjoni Ewropea għas-Samit Soċjali ta’ Gothenburg fl-2017, jargumenta li fl-2060, għal kull persuna anzjana se jkun hemm żewġ persuni li jaħdmu. Illum, hemm erbgħa. Dan joħloq riskji kritiċi għaż-żamma tal-Mudell Soċjali Ewropew kif nafuh illum.

3.1.4

Min-naħa l-oħra, l-immigrazzjoni għandha influwenza pożittiva fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni u tal-forza tax-xogħol. Jekk it-tkabbir tal-popolazzjoni naturali jsir negattiv, l-immigrazzjoni tista’ tgħin biex il-popolazzjoni totali u l-forza tax-xogħol jibqgħu kostanti. L-immigrazzjoni tista’ tkun ukoll rimedju għal nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet li mhumiex relatati mal-proċessi demografiċi. Madankollu, kif jargumenta l-Istitut tal-Ekonomija Internazzjonali ta’ Hamburg (HWWI) fir-rapport tiegħu “The Costs and Benefits of European Immigration” (L-Ispejjeż u l-Benefiċċji tal-Immigrazzjoni Ewropea) (5), l-immigrazzjoni mhix is-soluzzjoni aħħarija biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tixjiħ demografiku fl-Ewropa(peress li l-migranti jixjieħu wkoll).

3.2   Il-potenzjal tal-migrazzjoni tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi

L-impatti li ġejjin jistgħu jiġu identifikati (6):

3.2.1

Fuq il-pajjiżi ospitanti:

Jistgħu jimtlew il-postijiet tax-xogħol battala u n-nuqqasijiet ta’ ħiliet.

It-tkabbir ekonomiku jkun jista’ jiġi sostnut.

Is-servizzi għal popolazzjoni li qed tixjieħ jistgħu jinżammu meta ma jkunx hemm żgħażagħ biżżejjed lokalment.

Id-distakk fil-pensjonijiet jista’ jimtela mill-kontribuzzjonijiet ta’ ħaddiema migranti żgħażagħ ġodda, li jħallsu t-taxxi wkoll.

L-immigranti jġibu l-enerġija u l-innovazzjoni.

Il-pajjiżi ospitanti huma arrikkiti mid-diversità kulturali u etnika.

Iż-żoni li qed jonqsulhom il-popolazzjoni jistgħu jerġgħu jiġu mġedda, inklużi skejjel b’numri li qed jonqsu.

3.2.2

Fuq il-pajjiżi ta’ oriġini:

Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jibbenefikaw minn rimessi (pagamenti mibgħuta lura mill-migranti), li issa ħafna drabi jiskorru l-għajnuna barranija (7), imma wkoll mill-iskambju kulturali.

Il-qgħad jitnaqqas u l-migranti żgħażagħ isaħħu l-prospetti tal-ħajja tagħhom.

Il-migranti li jirritornaw lejn pajjiżhom iġibu tfaddil, ħiliet u kuntatti internazzjonali.

4.   L-ispejjeż tan-nuqqas ta’ immigrazzjoni

4.1   L-appoġġ għat-tkabbir ekonomiku u s-sodisfar tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol

4.1.1

L-immigrazzjoni minn barra l-UE għandha kemm impatt dirett u indirett fuq it-tkabbir ekonomiku: jidher li hemm korrelazzjoni ċara bejn it-tkabbir tal-forza tax-xogħol permezz tal-immigrazzjoni u t-tkabbir aggregat tal-PDG. Pereżempju, fis-snin reċenti, l-Iżvezja tat eluf ta’ permessi tax-xogħol lil żviluppaturi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, dawk li jiġbru l-frott artab, u koki. L-immigrazzjoni għax-xogħol tikkontribwixxi b’valuri sinifikanti għall-ekonomija Żvediża: kumpaniji li jirreklutaw immigranti għax-xogħol jikbru b’mod aktar mgħaġġel minn kumpaniji komparabbli. Kull sena, immigranti minn barra mill-UE/EEA jikkontribwixxu aktar minn EUR 1 000 miljun għall-PDG Żvediża u aktar minn EUR 400 miljun fi dħul mit-taxxa (8).

4.1.2

Il-popolazzjoni tal-migranti ġġenerat żieda ta’ 70 % fil-forza tax-xogħol tal-Ewropa bejn l-2004 u l-2014 (9). Huwa diffiċli li jiġi speċifikat l-impatt ta’ nuqqas ta’ ħaddiema ta’ dan id-daqs fl-ekonomija Ewropea u fl-Istati Membri individwali. Barra minn hekk, il-popolazzjoni barranija ġeneralment tintegra f’niċeċ tas-suq (segmentalizzazzjoni) li qed jikbru malajr jew li qed jonqsu, u jipprovdu aktar flessibbiltà biex jirrispondu għad-domandi tas-suq tax-xogħol tal-UE.

4.1.3

Bl-istess mod, il-popolazzjoni tal-migranti tipparteċipa fis-sitwazzjoni tal-impjiegi ta’ kull pajjiż billi tikkontribwixxi għall-konsum u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda Intraprendituri migranti jikkontribwixxu għal tkabbir ekonomiku u impjieg, ta’ spiss billi jerġgħu jagħtu l-ħajja lil snajja’ u l-artiġjanat minsija u jipparteċipaw dejjem iktar fil-forniment ta’ prodotti u servizzi b’valur miżjud (10). Il-Kumitat għaldaqstant jissuġġerixxi li jekk “il-kapaċità kreattiva u ta’innovazzjoni” tal-intraprendituri migranti se tissaħħaħ għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi fil-livell tal-UE, tal-Istat Membru u dak lokali. Dan sabiex tiġi eradikata d-diskriminazzjoni u jinħolqu kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għal tkabbir inklużiv u impjiegi ta’ kwalità (11).

4.1.4

Il-KESE jemmen li, minħabba t-tendenza partikolari tagħhom li jaħdmu fl-oqsma tax-xogħol tal-kura u fl-attivitajiet tal-ekonomija kollaborattiva u tal-ekonomija ċirkolari, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jistgħu jrawmu u jsostnu, mhux biss il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda iżda wkoll l-intraprenditorija u aċċess għall-attivitajiet ekonomiċi tal-migranti u r-refuġjati (12).

4.1.5

Il-kejl tal-impatt fiskali tal-immigrazzjoni huwa kwistjoni kumplessa. Madankollu, l-OECD (13) tiddikjara li, fil-qosor, il-migranti kellhom impatt fiskali newtrali matul l-aħħar ħamsin sena, jiġifieri kull spiża li setgħu ġġeneraw kienet koperta mill-profitti prodotti mit-taxxi u l-imposti miġbura.

4.1.6

L-istudju ta’ riċerka ta’ Oxford Economics (14) ikkonkluda li l-ħaddiema migranti kienu għenu biex tinżamm provvista ta’ ħaddiema adegwata biex issostni l-espansjoni ekonomika tal-2004-2008. Id-disponibbiltà ta’ ħaddiema migranti tidher li għamlet id-differenza bejn xi negozji li baqgħu jeżistu jew, li ma kellhomx għalfejn jirrilokaw il-produzzjoni barra l-pajjiż (l-awturi jikkwotaw stħarriġ ta’ 600 negozju fejn 31 % qalu li l-migranti kienu importanti għas-sopravivenza tal-organizzazzjoni tagħhom, ċifra li żdiedet għal 50 % fil-kura tas-saħħa u soċjali u fl-agrikoltura).

4.1.7

Huwa ċar li l-immigrazzjoni tista’ tkun ekonomikament ta’ benefiċċju kemm għall-pajjiżi ta’ oriġini kif ukoll għall-pajjiżi ospitanti. Madankollu, bl-istrutturi ekonomiċi u kummerċjali preżenti huma l-pajjiżi sinjuri u qawwija li jibbenefikaw l-aktar. Il-migrazzjoni għandha wkoll il-potenzjal li kulturalment tgħaqqad lin-nies flimkien u tippromovi ftehim, iżda jkun hemm kunflitti jekk ma jsirux sforzi biex jitneħħew in-nuqqas ta’ fehim, preġudizzji u l-ideat foloz li jkollhom in-nies lokali, iżda wkoll il-komunitajiet ta’migranti..

4.2   It-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-ħiliet

4.2.1

B’mod ġenerali, l-ekonomija Ewropea titlef aktar minn 5 % tal-produttività kull sena minħabba spariġġ bejn il-ħiliet tal-ħaddiema u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, skond studju mill-Istitut għall-Ekonomija tas-Suq (IME) (15) ikkummissjonat mill-KESE u ppubblikat fl-24 ta’ Lulju, 2018. L-istudju jgħid li dan jammonta għal telf ta’ 80 ċenteżmu tal-euro għal kull siegħa maħduma. Il-professjonijiet l-aktar milquta huma l-IT u l-komunikazzjonijiet, it-tobba mediċi u, b’mod aktar ġenerali, l-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija u l-inġinerija. Il-fenomenu jaffettwa wkoll lill-għalliema, l-infermiera u l-qwiebel. L-awturi jgħidlu li t-tendenza qiegħda tiggrava minħabba t-tnaqqis demografiku u l-iżviluppi fit-teknoloġija. Din il-lakuna fil-ħiliet tista’ tiġi indirizzati parzjalment permezz tal-migrazzjoni tal-ħaddiema.

4.2.2

Madankollu, it-twettiq tal-potenzjal sħiħ tal-migrazzjoni f’dan il-qasam jirrikjedi approċċ li, fost affarijiet oħra, jagħmel użu aħjar mill-ħiliet u l-kwalifiki tal-popolazzjoni tal-migranti. L-immigranti s-soltu huma kkwalifikati żżejjed għall-pożizzjonijiet li jkunu qed jiġu offruti (16).

4.2.3

Id-diskrepanza fil-ħiliet tista’ tkun parzjalment imnaqqsa biss jekk l-immigranti jkollhom il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom ivvalidati. Madankollu, il-mekkaniżmi ta’ validazzjoni tal-UE għadhom qed jiżviluppaw u jiddependu mill-Istati Membri. L-għodda tal-UE għall-Profili tal-Ħiliet mhux użat biżżejjed mill-Istati Membri u l-atturi fuq il-post. Madankollu, hemm inizjattivi mhux governattivi, bħal Kards bil-Kompetenzi ta’ Bertelsmann Stiftung jew awtovalutazzjoni vokazzjonali online. (17)

4.2.4

L-implimentazzjoni xierqa ta’ sħubijiet ta’ ħiliet ma’ pajjiżi mhux tal-UE tkun ta’ benefiċċju reċiproku kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti.

4.3   Is-sostenn għas-settur tal-kura

4.3.1

In-nuqqasijiet tas-suq tax-xogħol fis-settur tal-kura tas-saħħa huma bħal bomba lesti biex tisplodi. Hemm kriżi li għaddejja (18), u n-nuqqasijiet ta’ ħaddiema se jiżdiedu sakemm ma jiġux segwiti reazzjonijiet politiċi xierqa. Sa mill-1994, il-kura kienet definita bħala settur strateġiku mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-2010, wissiet li nuqqas ta’ provvista ta’ żewġ miljun ħaddiem fil-kura tas-saħħa se jitfaċċaw sal-2020 jekk ma titteħidx azzjoni urġenti biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet ta’ provvista sa miljun ħaddiem fil-kura fit-tul (LTC) (19).

4.3.2

In-nuqqas ta’ ħaddiema huwa prevalenti f’okkupazzjonijiet tal-kura f’ħafna Stati Membri. Ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa kemm regolari kif ukoll bla dokumenti jtaffi n-nuqqasijiet fis-settur tal-kura. Is-sistemi tal-kura tan-Nofsinhar tal-Ewropa, b’mod partikolari, jiddependu ħafna fuq il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu. Fl-Italja, pereżempju, il-ħaddiema migranti tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu jirrappreżentaw madwar tliet kwarti tal-forza tax-xogħol fil-qasam tal-kura fid-djar (20).

4.3.3

Il-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (CEE) huma affettwati wkoll min-nuqqasijiet ta’ ħaddiema fis-settur tal-kura kif ukoll mid-domanda dejjem tiżdied għall-kura fl-Ewropa tal-Punent. Pereżempju, il-Polonja tipprovdi ħafna ħaddiema tal-kura tas-saħħa lil pajjiżi oħra, minkejja forza tax-xogħol domestika eżawrita fil-qasam tal-kura. Dawn in-nuqqasijiet jittaffew bil-wasla fil-Polonja ta’ ħaddiema mill-Ukrajna u minn pajjiżi oħra barra mill-UE (21).

4.3.4

Huwa wkoll importanti li jiġi nnutat il-kontribut ekonomiku sinifikanti ta’ migranti nisa, lill-familji u komunitajiet permezz ta’ xogħol bi ħlas, u l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel fis-swieq tax-xogħol (22). Ir-riċerka turi li l-maġġoranza tan-nisa migranti li jaħdmu huma impjegati f’impjiegi fis-settur tas-servizzi (eż.forniment tal-ikel u x-xorb, impjiegi domestiċi u fil-kura tas-saħħa). Xogħol irregolari, in-nuqqas ta’ impjieg u impjieg fuq kuntratt temporanju jistgħu jiġġeneraw l-iżvantaġġ li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa migranti fis-swieq tax-xogħol tal-UE, u miżuri li jiggarantixxu trattament ugwali u biex jipprovdu protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli għandhom jiġu żviluppati aktar.

4.4   L-indirizzar tad-depopolazzjoni ta’ żoni rurali u remoti

4.4.1

Iż-żoni rurali, muntanjużi u tal-gżejjer qed jonqsulhom il-popolazzjoni, u dan joħloq spiral ekonomiku u soċjali ’l isfel li jżid fil-momentum hekk kif aktar nies jemigraw lejn il-bliet. It-telf tal-popolazzjoni jnaqqas l-ammont ta’ flus li jiċċirkola fil-komunità, li mbagħad jaffettwa l-vijabbiltà tan-negozji lokali, ħwienet u links tat-trasport, kif ukoll id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet u servizzi essenzjali.

4.4.2

F’xi oqsma tal-UE, pereżempju fl-Irlanda jew f’Brandenburg, id-depopolazzjoni qed tingħeleb billi jiġu stabbiliti l-migranti. Fil-każ tal-agrikoltura, pereżempju, il-kontribut tal-ħaddiema migranti fl-Irlanda ta’ Fuq kien essenzjali għas-sopravivenza ta’ settur bi problemi serji f’termini ta’ provvista ta’ ħaddiema u forza tax-xogħol li qed tixjieħ. Il-popolazzjoni tal-migranti hija lesta li taċċetta impjiegi b’salarji u kundizzjonijiet li ġew miċħuda mill-popolazzjoni lokali, u li tgħix f’villaġġi f’riskju għoli ta’ depopolazzjoni, minkejja l-fatt li jista’ jkun settur ferm mhux regolat bir-riskju ta’ sfruttament tax-xogħol (23).

4.4.3

L-opportunitajiet huma disponibbli taħt il-politika għall-iżvilupp rurali tal-Unjoni Ewropea biex jgħinu lil komunitajiet lokali rurali bil-wasla tal-migranti. Għadd ta’ organizzazzjonijiet ta’ żvilupp rurali indikaw l-assistenza potenzjali li żoni rurali jistgħu joffru lill-migranti, li l-wasla tagħhom tista’ taqdi rwol ħalli terġa’ tingħata l-ħajja liż-żoni li jbatu minn nuqqas ta’ popolazzjoni u/jew tnaqqis ekonomiku. Il-Parlament Ewropew enfasizza l-importanza li jingħata appoġġ għall-inklużjoni soċjali u li-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol fl-istudju tiegħu tal-2017 (24).

4.5   L-indirizzar tad-diversità kulturali

4.5.1

In-nuqqas ta’ popolazzjoni ta’ migranti jkun għad-detriment tad-diversità fil-pajjiżi tal-UE, li jwassal għal diskors ksenofobiku u kompjaċenti, li jmur kontra l-prinċipji gwida tal-UE. Barra minn hekk, nitilfu kontribut għall-espansjoni tal-valuri, bħal trattament ugwali u nondiskriminazzjoni, fejn il-viżibbiltà tal-popolazzjoni bi sfond ta’ migrazzjoni għenet biex jinkiseb il-progress fis-snin reċenti.

4.6

Għal dan kollu ta’ hawn fuq, in-nuqqas ta’ immigrazzjoni lejn l-UE irid jiġi skartat bħala xenarju mhux realistiku li ma jistax jiġi implimentat u ta’ ħsara immensa.

5.   L-ispejjeż tan-nuqqas ta’ integrazzjoni (u kif jiġu evitati)

5.1

Sabiex tirrealizza l-potenzjal sħiħ tal-migrazzjoni għall-Ewropa, kif indikat hawn fuq, u fl-istess ħin timminimizza r-riskji relatati u fit-tul u l-ispejjeż soċjoekonomiċi evitabbli, huwa ta’ importanza kbira li jkun hemm kundizzjonijiet għall-integrazzjoni b’suċċess tal-migranti.

5.2

Il-punti prinċipali pertinenti għall-fehim tal-UE tal-kunċett huma elenkati fil-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Politika ta’ Integrazzjoni tal-Immigranti fl-UE adottata mill-Kunsill fl-2004 (25). Hawnhekk, l-integrazzjoni tinftiehem bħala “proċess dinamiku bidirezzjonali ta’ akkomodazzjoni reċiproka mill-immigranti u r-residenti kollha tal-Istati Membri”. Dan imur kontra l-kunċett żbaljat mifrux ħafna ta’ integrazzjoni bħala assimilazzjoni – proċess b’direzzjoni waħda li fih l-individwi jabbandunaw l-attributi nazzjonali u kulturali tagħhom bi skambju għal dawk tal-pajjiż ta’ residenza l-ġdid tagħhom (26). Madankollu, kif jisħaq il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE tal-2016 dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, element essenzjali għall-ħajja u l-parteċipazzjoni fl-UE huwa l-fehim ta’ u t-tħaddin tal-valuri fundamentali tagħha (27).

5.3

Għandu jiġi enfasizzat li l-integrazzjoni tappartjeni għall-migranti kollha li jistabilixxu ruħhom f’pajjiż ospitanti, irrispettivament mill-istatus jew l-oriġini tagħhom. Madankollu, politiki speċjali huma meħtieġa għal persuni b’vulnerabbiltajiet partikolari (bħar-refuġjati), u approċċ ibbażat fil-komunità aktar milli ta’ universalità jista’ jagħti l-aħjar riżultati.

5.4

L-impjieg huwa parti ewlenija mill-proċess ta’ integrazzjoni. L-Istati Membri u l-imsieħba ekonomiċi u soċjali b’hekk jipperċepixxu l-inklużjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol bħala prijorità. Tabilħaqq, id-domanda għall-ħaddiema tibqa’ waħda mill-muturi kruċjali tal-migrazzjoni fl-ewwel lok.

5.5

Fost il-varjabbli essenzjali l-oħra li jiddeterminaw l-integrazzjoni tal-migranti min-naħa tal-istat riċeventi huma: ċertezza u prevedibbiltà tal-istatus tal-migrazzjoni, possibbiltajiet għal u ostakoli biex tinkiseb iċ-ċittadinanza, opportunitajiet għal riunifikazzjoni tal-familja, disponibbiltà ta’ korsijiet tal-lingwa, rekwiżiti tal-għarfien tal-lingwa u tal-kultura, drittijiet politiċi, u l-ftuħ ġenerali ta’ kwalunkwe soċjetà partikolari u r-rieda tagħha li tħaddan, tassisti u tinteraġixxi ma’ dawk li għadhom kif waslu, kif ukoll viċi versa.

5.6

Barra minn hekk, l-integrazzjoni tal-migranti hija marbuta mill-qrib ma’ pletora ta’ politiki relatati mal-protezzjoni fuq il-post tax-xogħol, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, id-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni biex insemmu biss ftit.

5.7

Fi sforz biex jiġu kkwantifikati l-politiki fis-seħħ, ġie stabbilit l-Indiċi tal-Politika tal-Integrazzjoni ta’ Migranti (MIPEX), u pprovda data komparabbli dwar l-Istati Membri tal-UE u bosta pajjiżi oħra (28). Ir-riżultati tiegħu jenfasizzaw id-diskrepanzi eżistenti bejn l-Istati Membri, inkluża d-diskrepanza bejn il-Lvant u l-Punent li għadha għaddejja.

5.8

Jekk insegwu l-loġika tax-xenarju ta’ “nuqqas ta’ integrazzjoni tal-migranti”, ir-riskji u/jew l-ispejjeż li ġejjin jistgħu jiġu identifikati:

5.8.1   Ekonomiċi

l-esklużjoni tal-migranti minn xogħol formali (u żieda fix-xogħol mhux iddikjarat);

iż-żieda fl-ispejjeż biex jiġu ttrattati l-kwistjonijiet soċjali wara li jitfaċċaw, aktar milli biex jiġu evitati;

l-inabbiltà tal-migranti li jirrealizzaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom (ħafna drabi tiġi ttrasferita lil ġenerazzjonijiet ta’ wara).

5.8.2   Soċjokulturali

in-nuqqas ta’ identifikazzjoni mal-valuri u n-normi tal-pajjiż ospitanti u tal-aċċettazzjoni tagħhom;

l-aggravament tad-differenzi soċjokulturali bejn il-komunitajiet tal-migranti u ospitanti;

id-diskriminazzjoni strutturali tal-migranti, inkluż in-nuqqas ta’ aċċess adegwat għas-servizzi;

iż-żieda fil-ksenofobija u fin-nuqqas ta’ fiduċja reċiproka;

ir-replika tal-ostakoli lingwistiċi;

is-segregazzjoni spazjali li twassal it-triq kollha lejn il-ħolqien ta’ gettos;

it-tifrik tal-koeżjoni soċjali ġenerali.

5.8.3   Sigurtà

Żieda f’diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda;

it-tnaqqis fl-infurzar tal-liġi u żieda possibbli tar-rati ta’ kriminalità, partikolarment f’żoni soċjalment esklużi;

ir-radikalizzazzjoni potenzjali u appoġġ akbar għal ideoloġiji estremi (kemm mill-komunitajiet migranti kif ukoll mis-soċjetà ospitanti).

5.9

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-investiment fl-integrazzjoni tal-migranti huwa l-aħjar politika tal-assigurazzjoni kontra spejjeż, problemi u tensjonijiet futuri potenzjali.

5.10

Il-politiki rilevanti għandhom jinkludu sett ċar, konsistenti u raġunat ta’ obbligi fuq il-migranti nfushom, iżda ugwalment denunzja konsistenti ta’ retorika u mġiba kontra l-migranti.

5.11

Huwa imperattiv, għalhekk, li l-Istati Membri tal-UE jitgħallmu minn xulxin u jistinkaw b’mod onest biex joħolqu ambjent li fih l-integrazzjoni tal-migranti tkun tista’ tinkiseb u r-riskji stabbiliti hawn fuq jiġu evitati.

5.12

Għandu jiġi ddikjarat b’mod pjuttost miftuħ li sforzi mmexxija mill-gvern biex jikkriminalizzaw jew b’xi mod ieħor jimmarġinalizzaw il-migranti, l-aggravar tan-nazzjonaliżmu etniku u t-tnaqqis fil-finanzjament ta’ miżuri ta’ integrazzjoni (inkluż in-nuqqas ta’ distribuzzjoni ta’ fondi disponibbli mill-UE) – kif rajna reċentement f’ċerti Stati Membri – huma f’kontradizzjoni diretta ma’ dawn l-għanijiet u jistgħu jagħmlu ħsara irreparabbli fit-tul.

5.13

L-aħħar iżda mhux l-inqas, il-promozzjoni tal-integrazzjoni hija essenzjali biex jissaħħu l-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-UE, li fosthom id-diversità, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni huma kruċjali.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Pereżempju, fost l-4,3 miljun immigrant fl-UE fl-2016, kien hemm madwar 2,0 miljun ċittadin ta’ pajjiżi li mhumiex fl-UE, 1,3 miljun persuna b’ċittadinanza ta’ Stat Membru differenti tal-UE minn dak li jkunu emigraw fih, madwar 929 000 persuna li emigraw lejn Stat Membru tal-UE li tiegħu kellhom ċ-ċittadinanza (pereżempju, għar-ritorn ta’ ċittadini jew ċittadini mwielda barra mill-pajjiż), u xi 16 000 persuna apolida.

(2)  Federica Mogherini’s keynote speech at the Civil Society Days 2017 (Id-diskors ewlieni ta’ Federica Mogherini fil-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili tal-2017).

(3)  Migration data portal

(4)  European Demographic Data Sheet 2018 (Skeda Ewropea tad-Data Demografika 2018).

(5)  The costs and benefits of European immigration (L-ispejjeż u l-benefiċċji tal-immigrazzjoni Ewropea), Econstor.

(6)  Ispirati minn u bl-użu tal-konklużjonijiet ta’ “The pros and cons of Migration” (Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-Migrazzjoni), Embrace.

(7)  Perspettivi dwar l-Iżvilupp Globali 2017, OECD

(8)  DAMVAD Analytics (2016): L-immigrazzjoni għax-xogħol tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku Żvediż.

(9)  OECD (2014): “Is migration good for the economy?” (Il-migrazzjoni hija ta’ ġid għall-ekonomija?) Dibattiti dwar il-Politika dwar il-Migrazzjoni.

(10)  Rath, J., Eurofound (2011), “Promoting ethnic entrepreneurship in European cities”, Publications Office of the European Union, Luxembourg.

(11)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 16.

(12)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 1.

(13)  International Migration Outlook (Il-Prospetti dwar il-Migrazzjoni) 2013, OECD.

(14)  Dipartiment għax-Xogħol u t-Tagħlim, ir-Renju Unit: The Economic, Labour Market and Skills Impacts of Migrant Workers in Northern Ireland (Is-Suq Ekonomiku, tax-Xogħol u l-Impatti tal-Ħiliet tal-Ħaddiema Migranti fl-Irlanda ta’ Fuq).

(15)  KESE (2018): Skills Mismatches – An Impediment to the Competitiveness of EU Businesses (Spariġġi fil-Ħiliet – Impediment għall-Kompetittività tan-Negozji tal-UE), (ISBN: 978-92-830-4159-7).

(16)  LABOUR-INT: “Integration of migrants and refugees in the labour market through a multi-stakeholder approach”.

(17)  Meine Berufserfahrung zählt.

(18)  UNI Europa UNICARE (2016).

(19)  Il-Kummissjoni Ewropea (2013).

(20)  Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew (2016).

(21)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 7.

(22)  Rapport dwar migranti nisa fil-forza tax-xogħol tal-UE.Sommarju tas-sejbiet”,KE

(23)  Nori, M. (2017). “The shades of green: migrants’ contribution to EU agriculture: context, trends, opportunities, challenges” (L-isfumaturi tal-aħdar: il-kontribut tal-migranti għall-agrikoltura tal-UE: kuntest, xejriet, opportunitajiet, sfidi).

(24)  “EU rural development policy and the integration of migrants”, EP.

(25)  Common Basic Principles for Immigrant Integration Policy in the EU (Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Politika ta’ Integrazzjoni tal-Immigranti fl-UE).

(26)  Għal aktar dwar id-differenza kunċettwali, ara eż. Assimilation vs integration (Assimilazzjoni vs integrazzjoni), Ċentru għall-Istudju tal-Iżlam fir-Renju Unit, RE teachers Resource Area.

(27)  Pjan ta’ Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi

(28)  Migrant Integration Policy Index 2015: How countries are promoting integration of immigrants (Indiċi tal-Politika tal-Integrazzjoni ta’ Migranti 2015: Kif il-pajjiżi qed jippromovu l-integrazzjoni tal-immigranti).


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/9


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Bijoekonomija sostenibbli u inklużiva – opportunitajiet ġodda għall-ekonomija Ewropea”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 110/02)

Relatur:

Mindaugas MACIULEVIČIUS

Korelatur:

Estelle BRENTNALL

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

15.2.2018

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

 

 

Korp kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-CCMI

25.9.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

205/3/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-introduzzjoni ta’ qafas politiku u ta’ miżuri ta’ inċentivi li jkun fit-tul, koerenti u trasparenti biex tiġi promossa l-bijoekonomija. Jinħtieġ impenn fl-ogħla livell politiku biex jiġu indirizzati l-ħafna sfidi trasversali tas-soċjetà u l-ambjent politiku tal-UE jista’ jkun iżjed favur il-bijoprodotti innovattivi u materja prima prodotta fl-UE b’mod sostenibbli. L-inċentivi finanzjarji jew marbuta mat-tnaqqis fit-taxxa jistgħu jgħinu biex jixprunaw l-investimenti meħtieġa, peress li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom kompetenza f’dawn l-oqsma pjuttost milli l-UE. L-organizzazzjonijiet raggruppanti, li jlaqqgħu flmkien l-SMEs, kif ukoll il-produtturi primarji ta’ bijomassa sostenibbli, jaqdu rwol essenzjali fl-iżvilupp ta’ relazzjonijiet bejn l-atturi fil-katina tal-provvista. Eżerċizzju kontinwu u aġġornat ta’ mmappjar (1), flimkien mal-kejl tal-effetti tal-bijoekonomija, jista’ jidentifika l-gruppi eżistenti attivi fl-oqsma li huma bbażati fuq il-bijoloġija, u għandhom jittieħdu azzjonijiet biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ oqsma ġodda fil-livell Ewropew, reġjonali u nazzjonali, fejn jeżistu l-lakuni.

1.2.

Ir-rwol tal-bdiewa, is-sidien tal-foresti u l-kooperattivi tagħhom huwa kruċjali biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali u biex isir kontribut għal bijoekonomija ċirkolari. Jinħtieġu Qafas Finanzjarju Pluriennali, Politika Agrikola Komuni u strateġija Ewropea tal-foresti b’saħħithom biex jappoġġjaw is-servizzi ta’ konsulenza, it-taħriġ u l-iskambju tal-għarfien, biex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tal-bdiewa u tal-kooperattivi agrikoli. Jeħtieġ li jiġu promossi eżempji konkreti biex ikun hemm sensibilizzazzjoni u joħorġu fid-dieher il-benefiċċji tal-bijoekonomija għall-katina tal-valur kollha Dan jattira l-bdiewa żgħażagħ u l-parteċipanti ġodda jibdew negozji ġodda f’dan il-qasam. L-organizzazzjonijiet u l-kooperattivi tal-produtturi għandhom ukoll jiġu promossi bħala għodod importanti biex tiżdied il-mobilizzazzjoni u l-valur miżjud tal-bijomassa eżistenti fl-UE. Għalhekk, l-appoġġ lis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija fl-UE huwa kruċjali biex ikompli jsiru investiment u innovazzjoni fil-produzzjoni sostenibbli tal-bijomassa.

1.3.

Appoġġ lill-ħolqien ta’ suq u għajnuna lill-konsumaturi u lill-pubbliku biex jagħmlu għażliet informattivi dwar il-prodotti u l-industriji li huma jappoġġjaw permezz tax-xiri ta’ kuljum tagħhom. Sabiex timla n-nuqqas ta’ għarfien tal-konsumaturi u xxandar messaġġi koerenti u korretti dwar il-bijoprodotti, l-Unjoni Ewropea għandha bżonn tfassal strateġija ta’ komunikazzjoni li tinvolvi l-imsieħba kollha fil-katina tal-valur u l-partijiet ikkonċernati l-oħra kollha. Wieħed mill-ewwel passi importanti kien l-istabbiliment ta’ standards ċari fil-livell tal-UE għall-bijoprodotti, li jistgħu jwittu t-triq biex jiġu introdotti miżuri għall-ħolqien tas-suq biex jagħtu spinta akbar lill-użu ta’ bijoprodotti li huma magħmula fl-UE min-naħa tal-konsumaturi u x-xerrejja pubbliċi.

1.4.

Il-provvediment ta’ redditu finanzjarju sostenibbli fuq l-investimenti permezz tal-fond ta’ punt uniku ta’ kuntatt. Regolamentazzjoni intelliġenti u implimentazzjoni konsistenti fuq diversi livelli madwar l-UE għandhom ikunu prijorità sabiex jitneħħew l-ostakli u jitnaqqas il-piż amministrattiv filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata s-sostenibbiltà. Pereżempju, għodda bbażata fuq il-web tkun tista’ tgħin biex jiġu identifikati l-fondi disponibbli u jekk l-applikant jissodisfax il-kriterji tal-eliġibbiltà għal dan il-mekkaniżmu. Is-sistema tipprovdi wkoll ir-rabtiet u r-riżorsi meħtieġa biex tapplika direttament għall-mekkaniżmu tal-finanzjament. Din tista’ jservi bħala post tas-suq, billi tagħmel informazzjoni dwar il-fondi disponibbli u tagħmel possibbli li dawk li qed ifittxu l-fondi jagħmlu kuntatt ma’ finanzjaturi potenzjali (eż. sit tal-crowdfunding). Barra minn hekk, il-kontinwazzjoni tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (BBI JU 2.0) lil hinn mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali hija kruċjali għall-promozzjoni ta’ katini ta’ valur ta’ bijoprodotti ġodda jew eżistenti u ssaħħaħ il-kompetittività tal-faċilitajiet eżistenti ta’ produzzjoni, u bħala kontribut għall-iżvilupp rurali, il-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tan-negozju.

1.5.

Il-politika tal-UE dwar l-iżvilupp reġjonali wara l-2020 għandha tipprovdi biżżejjed finanzjament biex ikomplu jiġu żviluppati ż-żoni rurali. L-enfasi għandha tkun prinċipalment fuq l-appoġġ għal investimenti fl-infrastruttura u s-servizzi meħtieġa għal negozju effiċjenti u sostenibbli fil-bijoekonomija rurali.

1.6.

L-isfruttar tal-opportunitajiet xjentifiċi u appoġġ għall-innovazzjoni permezz ta’ qafas legali flessibbli, proporzjonat u robust. Ir-riċerka hija essenzjali biex tippermetti, tistabbilixxi u tevalwa l-innovazzjoni fil-bijoekonomija. L-isfruttament kummerċjali jiddependi mhux biss mir-riċerka eċċellenti iżda wkoll mill-qafas adatt strateġiku, legali u soċjetali biex jiżgura t-trasferiment rapidu tal-għarfien lejn l-industrija. L-atturi ewlenin għandhom jingħataw l-ispazju u l-appoġġ meħtieġ għal innovazzjoni u aċċellerazzjoni fil-limiti regolatorji. Għandu jintlaħaq qbil dwar ftehimiet ta’ innovazzjoni u ftehimiet favur l-ambjent mal-partijiet ikkonċernati f’sitwazzjonijiet i fihom ir-regolamentazzjoni tista’ tappoġġja aħjar l-iżvilupp tal-bijoekonomija globali u fejn jinħtieġu soluzzjonijet kreattivi. Barra minn hekk, l-innovazzjoni taqdi wkoll rwol kruċjali fit-tisħiħ tas-sostenibilità tal-produzzjoni tal-bijomassa fl-UE.

1.7.

It-tisħiħ tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-programmi ta’ ħiliet għal talent ġdid u l-impjegati eżistenti. Il-ftuħ tal-potenzjal tal-bijoekonomija jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. Iżda, l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda tippreżenta sfidi importanti għall-organizzazzjoni tax-xogħol u l-ħiliet li għandhom bżonn il-ħaddiema. Għalhekk, l-iżgurar tal-iżvilupp kontinwu u l-adattament tal-ħiliet tal-individwi matul il-ħajja tagħhom huwa ta’ importanza kbira. L-impenn mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha – il-produtturi tal-bijomassa, il-fornituri tal-edukazzjoni, il-kumpaniji, it-trejdjunjins, is-servizzi pubbliċi tal-impjieg u l-gvernijiet – biex jittejbu l-kwalità u r-rispons tal-edukazzjoni u l-provvista tat-taħriġ vokazzjonali huwa essenzjali biex titnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet billi jissaħħu r-rabtiet bejn is-sistemi edukattivi u s-swieq tax-xogħol. Madankollu, l-iżvilupp tal-ħiliet ġenerali u l-adegwatezza tal-politiki għandhom ikunu parti integrali ta’ sett usa ta’ azzjonijiet li jinkludu politiki tax-xogħol, industrijali, ta’ investiment, ta’ innovazzjoni u ambjentali.

1.8.

Jiġi eżaminat l-użu tal-bijomassa. L-użu aktar effiċjenti tal-provvista tal-bijomassa eżistenti għandu jkun prijorità biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber għal materja prima. Imbagħad, jeħtieġ li l-kwalità u l-kwantità tal-ħamrija produttiva tittejjeb ukoll għall-agrikoltura u jiġi inċentivizzat l-użu tal-art abbandunata, marġinali jew sottoutilizzata. Il-produtturi tal-materja prima, l-aktar il-bdiewa u s-sidien tal-foresti, jaqdu rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-bijoekonomija. Jinħtieġu żieda fl-għarfien dwar l-opportunitajiet potenzjali (bl-użu ta’ għelejjel differenti) u l-iżvilupp ta’ infrastruttura għall-ġbir, il-ħżin u t-trasport tal-bijomassa. Skemi ta’ rappurtar dwar is-sostenibbilità inqas kumplessi u t-tisħiħ tal-produzzjoni u l-kapaċità tal-ipproċessar versatili tal-bijomassa jistgħu wkoll jaqdu rwol importanti. L-iskart u r-residwi bħala sorsi alternattivi tal-bijomassa u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti Ewropej joffru opportunitajiet għall-bijoekonomija u għall-bijoenerġija. Jinħtieġa wkoll valutazzjoni tal-flussi tal-iskart sostenibbli, kif ukoll aktar investimenti fil-mobilizzazzjoni tal-injam u r-residwi. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu żviluppati teknoloġiji biex jittrattaw il-varjabbiltà inerenti ta’ dawn il-prodotti. F’ċerti każijiet, il-politiki nazzjonali jaf ikollhom bżonn jiġu adattati sabiex jiġi akkomodat l-użu tal-iskart fil-bijoprodotti.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-bijoekonomija tħaddan il-produzzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi rinnovabbli u l-konverżjoni tagħhom f’ikel, għalf, bijoprodotti u bijoenerġija. Din tinkludi l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-ikel, il-produzzjoni tal-polpa u l-karta, kif ukoll partijiet tal-industriji kimiċi, bijoteknoloġiċi u tal-enerġija. Għall-finijiet ta’ din l-Opinjoni, ir-riċerka dwar il-ġenomi, il-proċessi taċ-ċelloli u l-bijoinformatika ma tiġix ikkunsidrata b’mod speċifiku. L-Istrateġija tal-UE tal-2012 dwar il-Bijoekonomija kellha l-għan “(…) li [twitti] t-triq għal soċjetà aktar innovattiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva li tirrikonċilja s-sigurtà tal-ikel mal-użu sostenibbli ta’ riżorsi rinnovabbli għal skopijiet industrijali, filwaqt li jkun żgurat il-ħarsien ambjentali”. Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet reviżjoni tal-Istrateġija tal-UE tal-2012 tagħha dwar il-Bijoekonomija, li kkonkludiet li l-Istrateġija wriet ir-rilevanza tal-għanijiet tagħha u li l-importanza tal-opportunitajiet offruti mill-bijoekonomija qed tiġi dejjem aktar rikonoxxuta fl-Ewropa u lil hinn minnha.

2.2.

Madankollu, filwaqt li l-għanijiet tal-Istrateġija tal-UE tal-2012 dwar il-Bijoekonomija jibqgħu rilevanti biex jilqgħu għall-isfidi fis-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni, u l-Pjan ta’ Azzjoni li jakkumpanjaha ta r-riżultati tiegħu laħaq l-objettivi proposti, uma kkunsidrati meħtieġa l-iffukar mill-ġdid tal-azzjonijiet u l-valutazzjoni tal-iskop tal-Istrateġija id-dawl tal-iżviluppi riċenti ta’ politika, inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima (impenji tas-COP21). Il-popolazzjoni globali hija mistennija li tikber għal kważi 10 biljun persuna sal-2050 u r-riżorsi bijoloġiċi għandhom jintużaw b’mod aktar effiċjenti, biex b’hekk ikun hemm ikel san, nutrittiv, ta’ kwalità għolja u affordabbli għal aktar nies b’inqas impatt ambjentali u klimatiku għal kull unità prodotta, u materjal bijoloġiku rinnovabbli suffiċjenti biex tjiġi prodotta parti sostanzjali minn dak li bħalissa qed jiġi utilizzat miż-żejt fossili mhux maħdum, flimkien ma’ enerġija mir-riħ u x-xemx enerġiji u enerġiji rinnovabbli oħra.

2.3.

F’dan l-isfond, il-bijoekonomija sostenibbli hija settur tal-ekonomija trasversali u hija fil-qalba ta’ strateġiji ekonomiċi sostenibbli dinjija. Il-bijoekonomija jista’ jkollha rwol importanti fil-kompetittività Ewropea u issa huwa importanti li jkunu identifikati u li jintużaw l-opportunitajiet tagħha, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll tal-Istati Membri/reġjonali. Pereżempju, pajjiżi terzi oħra bħall-Istati Uniti esperjenzaw tmexxija minn fuq għal isfel fl-iżvilupp ta’ bijoekonomija li ġġenerat kważi USD 400 biljun u appoġġjat ’il fuq minn 4 miljun impjieg minn kontribuzzjonijiet diretti, indiretti u indotti (2).

2.4.

Il-bijoekonomija tipprovdi għażliet li jistgħu kemm jgħinu biex jitnaqqsu kemm l-emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll id-dipendenza minn riżorsi fossili importati. Pereżempju, il-foresti tal-UE jissekwestraw ammont ta’ karbonju li jikkorrispondi għal 10 % tal-emissjonijiet annwali tal-UE, filwaqt li jipprovdu provvista kostanti u sostenibbli ta’ bijomassa għall-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, l-istimi juru li 100 000 sustanza kimika li qed jiġu prodotti bħalissa jistgħu, fit-teorija, jiġu minn materja prima rinnovabbli. Dan ma jfissirx li dan għandu jsir għal kollha kemm huma, iżda huwa teoretikament possibbli. Dan ma joffrix biss il-possibbiltà li jiġu pprovduti oġġetti tad-dar ta’ kuljum fuq livell lokali u b’mod rinnovabbli, iżda se jgħin ukoll biex joħloq impjiegi u tkabbir fl-Ewropa, fejn il-vantaġġ teknoloġiku għadu b’saħħtu.

2.5.

Madankollu, għad hemm ostakli ewlenin fit-triq lejn innovazzjoni akbar fil-bijoekonomija tal-UE. Ostaklu importanti huwa relatat mal-kostkompetittività tal-prodotti, li t-tnejn huma mqabbla mal-alternattivi fossili u ma’ prodotti ekwivalenti minn inħawi oħra fid-dinja. Il-kostkompetittività tintlaqat minn ħafna fatturi, inklużi l-livell ta’ tħejjija teknoloġika u l-kost lavorattiv, is-sussidji fuq il-karburanti fossili u l-amortizzament, kif ukoll il-livell baxx ta’ appoġġ tas-suq għall-bijoprodotti. Din il-kwistjoni tal-kompetittività taggrava meta wieħed iqis id-diffikultajiet fl-aċċessar ta’ finanzi għal proġetti innovattivi u l-faċilitajiet ta’ produzzjoni u, ħafna drabi, il-livell kontinwament baxx tal-għarfien min-naħa tal-utenti finali dwar il-bijoprodotti, kif ukoll in-nuqqas ta’ ħiliet u relazzjonijiet operazzjonali biex dan is-settur jimxi ’l quddiem. Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ permessi għal proġetti ġodda b’bażi bijoloġika qed isiru twal u diffiċli li jwasslu għal inċertezzi legali u riskji finanzjarji sinifikanti għall-atturi ekonomiċi.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Huwa stmat li s-setturi tal-bijoekonomija fl-UE għandhom fatturat annwali ta’ kważi EUR 2 triljun u jimpjegaw madwar 19,5 miljun persuna (3), u ħafna minnhom jinsabu f’żoni rurali u kostali, u jirrappreżentaw madwar 8,5 % tal-ħaddiema tal-UE-28. Il-komunitajiet agrikoli, dawk ibbażati fis-settur tal-forestrija u dawk rurali huma mistennija li jibbenefikaw mis-settur ibbażat fuq il-prodotti bijoloġiċi li qed jiżviluppa madwar l-UE fil-forma tal-ġenerazzjoni ta’ impjieg u introjtu. L-ipproċessar tal-bijomassa u l-manifattura ta’ prodotti bijoloġiċi jipprovdu opportunitajiet ġodda ta’ negozju fil-forma tat-tkabbir u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ għelejjel differenti. Flimkien ma’ għelejjel konvenzjonali bħalċ-ereali, iż-żrieragħ żejtnija, il-patata u l-pitravi taz-zokkor, għelejjel ġodda bħall-ħaxix, l-għelejjel ibbażati fil-foresti, l-alga u l-mikroalga huma kkunsidrati bħala ġeneraturi potenzjali ta’ introjtu futur fiż-żoni rurali u kostali.

3.2.

Il-bijoraffeneriji eżistenti diġà jipprovdu l-għajxien ta’ kuljum u huma sors ta’ awtonomizzazzjoni ekonomika għall-familji u l-komunitajiet rurali. Il-bijoraffineriji – fabbriki li jużaw materja prima rinnovabbli (eż. il-bijomassa, prodotti sekondarji u prodotti dderivati kif ukoll skart) minflok riżorsi fossili huma fil-qalba tal-bijoekonomija: dawn jinsabu fiż-żoni rurali u kostali, qrib il-materja prima rinnovabbli li jipproċessaw, fil-qalba tal-produzzjoni tal-ikel, l-għalf, u l-produzzjoni industrijali, tal-injam u dik tal-enerġija.

3.3.

Il-bijoraffineriji jsaħħu kull komponent tal-pjanta li jipproċessaw, billi jipproduċu ftit skart. Permezz ta’ teknoloġiji effiċjenti u/jew innovattivi, il-bijoraffineriji bbażati fl-UE jimmanifatturaw varjetà wiesgħa ta’ prodotti bħall-ikel, l-għalf, is-sustanzi kimiċi, fil-ibri u l-fjuwils li jgħaqqdu karatteristiċi differenti: huma rinnovabbli, jistgħu jerġgħu jintużaw, u huma riċiklabbli, kompostabbli jew bijodegradabbli. Il-versatilità tal-bijoprodotti u l-ingredjenti hija tali li dawn ikunu jistgħu jintużaw f’varjetà wiesgħa ta’ applikazzjonijiet, bħal għalf tal-ħut, il-kostruzzjoni, il-kosmetiċi, il-kartun, id-deterġenti, il-fjuwils, il-lubrikanti, iż-żebgħa, il-karta, il-prodotti farmaċewtiċi, il-plastiks u prodotti industrijali oħra, u b’hekk jissostitwixxu l-ingredjenti abbażi tal-fossili b’dawk rinnovabbli.

3.4.

It-twaqqif ta’ bijoraffineriji ġodda u l-iżvilupp u l-espansjoni tal-bijoraffineriji eżistenti huma investiment f’impjant innovattiv. Il-bijoraffineriji huma kkaratterizzati minn intensità għolja ta’ kapital, perjodi ta’ żmien itwal għall-ħlas lura u esponiment għal riskji fir-rigward tat-teknoloġija u tas-suq. Għalhekk, qafas regolatorju u finanzjarju ċar, stabbli u li joffri appoġġ huwa importanti biex jippromovi dawn l-investimenti fl-Ewropa. Illum hemm aċċess għal varjetà ta’ instrumenti differenti inklużi l-Orizzont 2020 (il-leġislazzjoni l-ġdida proposta b’rabta mal-Orizzont Ewropa hija programm ambizzjuż u li jintlaqa’ b’sodisfazzjon fil-qasam tal-innovazzjoni u r-riċerka) u l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika; il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE); il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD); l-InnovFin u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); u fl-aħħar, iżda mhux l-anqas, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għal self u garanziji. Iżda l-aċċess għalihom jista’ jkun diffiċli. Punt uniku ta’ kuntatt għall-kumpaniji sabiex jaċċessaw informazzjoni fil-fond apposta għalihom li huwa adatt għall-bżonnijiet tagħhom jindirizza dawn l-ostakli.

3.5.

F’dan il-kuntest, jinħtieġ b’mod kritiku l-kontribut tas-soċjetà ċivili, flimkien mal-bdiewa, is-sidien tal-foresti u l-industrija, sabiex jitħeġġeġ id-dibattitu dwar it-tiswir ta’ bijoekonomija aktar kompetittiva għall-Ewropa li tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd. Li wieħed jgħin biex jiġu kkomunikati l-benefiċċji tal-bijoekonomika huwa kruċjali sabiex tintlaħaq din il-bidla tal-mudell lejn ekonomija bbażata fuq enerġija rinnovabbli u b’livell aktar baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. F’dan ir-rigward, l-iskemi kredibbli ta’ ċertifikazzjoni u ta’ tikketti jistgħu jkunu għodod importanti biex iwasslu għal industrija tal-bijoekonomija sostenibbli u affidabbli, u jagħtu fiduċja lill-klijenti industrijali, il-prokuraturi pubbliċi u l-konsumaturi.

3.6.

L-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jistgħu jagħmlu kontributi kruċjali biex jgħinu l-bijoekonomija tikber, billi jistimulaw id-domanda tas-suq għal prodotti u servizzi rinnovabbli, intelliġenti u effiċjenti fir-riżorsi. L-Istati Membri għandhom jinkludu fil-pjani strateġiċi futuri tal-PAK miżuri konkreti biex jiġu żviluppati u/jew jiġu appoġġjati aktar l-investimenti u jiġu promossi soluzzjonijiet sostenibbli għall-bdiewa, is-sidien tal-foresti u l-kooperattivi tagħhom fil-livell tal-UE biex jiżdiedu l-kompetittività u l-effiċjenza tagħhom. Fejn hemm potenzjal biex il-bijoprodotti jissostitwixxu l-alternattivi abbażi ta’ karbonju fossili b’mod sostenibbli, dan jista’ jsir kemm permezz tal-iżvilupp ta’ leġislazzjoni ġdida, bħall-pakkett tal-ekonomija ċirkolari, kif ukoll permezz tar-reviżjoni potenzjali ta’ leġislazzjoni rilevanti eżistenti oħra biex titħeġġeġ is-sostituzzjoni ta’ alternattivi ta’ bijoprodotti prodotti lokalment għal prodotti tal-karbonju fossili tradizzjonali. Barra minn hekk, jistgu jintużaw attivitajiet eżistenti ta’ standardizzazzjoni bħat-TC411 u l-iskemi eżistenti ta’ ċertifikazzjoni u/jew skemi voluntarji ta’ tikkettar ġodda bħall-biobased%.

3.7.

Il-prokuraturi pubbliċi fil-livell nazzjonali u reġjonali għandhom iżidu r-referenzi għal tali ċertifikazzjoni u tikketti kredibbli ta’ kontenut b’bażi bijoloġika. Pereżempju, fl-2016, il-Korp ta’ Standardizzazzjoni Olandiż NEN nieda skema ta’ ċertifikazzjoni ġdida bbażata fuq il-prodotti bijoloġiċi, Biobased% (http://www.biobasedcontent.eu/). Din tistabbilixxi l-ammont ta’ bijomassa li jkun fih prodott, u tgħin lill-kumpaniji biex jipprovdu informazzjoni trasparenti u kredibbli dwar il-kontenut b’bażi bijoloġika ta’ prodott partikolari, kemm f’komunikazzjonijiet minn negozju għal negozju u anke mis-suq għall-konsumatur. Din hija bbażata fuq l-Istandard Ewropew EN 16785-1:2015 (billi jiġi pprovdut metodu għad-determinazzjoni tal-kontenut b’bażi bijoloġika ta’ prodotti solidi, likwidi u gassużi billi jintużaw analiżijiet tal-karbonju tar-radju u analiżijiet elementali). Il-korpi ta’ ċertifikazzjoni li daħlu fi ftehim ma’ NEN iwettqu valutazzjonijiet ta’ konformità. Issa li din iċ-ċertifikazzjoni qiegħda fis-seħħ, huwa importanti li jiżdied l-għarfien u jiġi inċentivat l-użu tal-materja prima rinnovabbli fil-leġislazzjoni attwali u futura tal-UE.

3.8.

Fil-forestrija, l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni jaqdu rwol importanti biex jiggarantixxu mobilizzazzjoni sostenibbli tal-bijomassa. Pereżempju, 60 % tal-foresti tal-UE huma ċċertifikati taħt il-Programm għall-Approvazzjoni taċ-Ċertifikazzjoni Forestali (PEFC – Programme for the Endorsement of Forest Certification) jew il-Kunsill tal-Amministrazzjoni Forestali (FSC– Forest Stewardship Council). Barra minn hekk, il-forestrija tal-UE tipproduċi billi tirrispetta l-ogħla standards ambjentali dinjija, li joriġinaw minn leġislazzjoni bħar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, ir-regoli dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF), id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u l-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari.

3.9.

Għalhekk, jinħtieġ titjib fil-komunikazzjoni minn negozju għal negozju u minn-negozju għall-konsumatur. Iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku abbażi ta’ informazzjoni korretta, rilevanti u aċċessibbli hija essenzjali biex tiżgura l-iżvilupp ta’ bijoekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva, biex jinħoloq suq għal bijoprodotti sostenibbli u biex jiġu promossi konsum u produzzjoni aktar sostenibbli. Jinħtieġu azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, b’mod partikolari fil-livell reġjonali u lokali, li jinkludu premjijiet kif ukoll esibizzjonijiet fuq ir-rwol tat-teknoloġija u x-xjenza fil-bijoekonomija.

3.10.

Għalhekk huwa ta’ importanza kbira li jinħolqu messaġġi ċari u preċiżi għall-pubbliku. Peress li l-bijoekonomija toffri għadd ta’ opportunitajiet biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà, jinħtieġ li titkejjel permezz ta’ valutazzjoni ekonomika komprensiva. Dan ser jipprovdi informazzjoni dwar id-daqs tal-bijoekonomija li tkopri s-setturi kollha, kif ukoll il-kontribut tagħha għat-tkabbir ekonomiku u l-effetti relatati fuq is-suq tax-xogħol. F’dan ir-rigward, il-komunità xjentifika taqdi rwol kruċjali. Dan huwa wkoll għaliex huwa tant importanti li jiġi sostnut l-investiment fir-riċerka interdixxiplinari u bażika sabiex l-UE tkun tista’ tisfrutta l-potenzjal tagħha biex tikkontribwixxi għal riċerka u innovazzjoni globali għas-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni, għall-kompetittività u għall-bijoekonomija bbażata fuq l-għarfien. Huwa kruċjali li l-pożizzjoni leġislattiva tal-UE tkun infurmata b’mod sħiħ mill-iżjed evidenza xjentifika avvanzata u mill-esperjenza dinjija u li l-proċessi għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar is-sorveljanza regolatorja jkunu trasparenti.

3.11.

L-edukazzjoni tat-tfal tal-iskola u dawk tas-sekondarja hija kruċjali sabiex ikollna ġenerazzjoni li tifhem l-isfidi u li tħaddan l-opportunitajiet offruti mill-bijoekonomija. Pereżempju, tagħlim dwar il-prinċipji taċ-ċirkolarità, azzjoni fuq livell globali u lokali fl-istess ħin (glokali), u żieda fl-interess għall-esplorazzjoni ser jikkontribwixxu biex iħejju lill-ġenerazzjoni l-ġdida ssib it-triq tagħha. Pereżempju, diġà tfasslu kurrikuli ġodda fl-universitajiet, li jikkombinaw ix-xjenzi tal-ħajja, l-inġinerija u l-kummerċjalizzazzjoni. Tali kollegamenti bejn id-dixxiplini u ambjent li jiffaċilita ambjent għal negozji ġodda jistgħu jappoġġjaw l-istudenti biex isiru imprendituri tal-bijoekonomija. It-taħriġ vokazzjonali jrid jevolvi sabiex jirrifletti r-rekwiżiti għall-ħiliet fil-produzzjoni primarja, il-manifattura, it-trasport u setturi rilevanti oħra. Barra minn hekk, aktar tard fil-ħajja, jeħtieġ li l-ħaddiema jaġġornaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom. Programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja li jlaqqgħu flimkien il-fornituri tal-edukazzjoni u l-produtturi, min iħaddem u l-ħaddiema, ir-riċerkaturi, u l-innovaturi jistgħu jgħinu f’dan.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  https://biconsortium.eu/news/mapping-european-biorefineries

(2)  Ara d-dokument tal-USDA “Fact Sheet: An Economic Impact Analysis of the U.S. Biobased Products Industry: 2016 Update” hawnhekk: https://www.biopreferred.gov/BPResources/files/BiobasedProductsEconomicAnalysis2016FS.pdf

(3)  Iċ-ċifri kollha kkwotati ġejjin minn “JRC science for policy report: 2016 Bioeconomy Report”, disponibbli hawnhekk: http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC103138/kjna28468enn.pdf


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament għall-klima għal atturi mhux statali”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 110/03)

Relatur:

Cillian LOHAN (IE-III)

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

15.2.2018

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

27.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

114/6/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Għalkemm ġew imwiegħda fondi kbar fil-patti ta’ Finanzjament għall-Klima, Il-KESE jrid jenfasizza problema bl-atturi klimatiċi mhux statali fuq skala żgħira li jaċċessaw il-finanzjament biex jiġi żgurat li inizjattivi potenzjalment trasformattivi jistgħu jiġu appoġġjati u jistgħu jseħħu.

1.2

Il-flussi tal-finanzjament għall-klima fl-Unjoni Ewropea jeħtieġ li jiġu mmonitorjati u kklassifikati b'mod urġenti. Dan se jiffaċilita l-kejl tal-impatt tal-klima għal atturi klimatiċi mhux statali, u jiżgura li l-progress ta’ trasformazzjoni usa’ tal-ekonomija lejn mudell b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju jista’ jiġi evalwat.

1.3

Is-sorsi ta’ finanzjament huma differenti, kif inhuma l-inizjattivi minn isfel għal fuq li jirrikjedu aċċess. Ma hemmx fis-seħħ mekkaniżmi biex jiġi indirizzat dan in-nuqqas ta’ konnessjoni. Dan għandu jiġi indirizzat bl-istabbiliment ta’ Forum dwar il-Finanzjament għall-Klima inklużiv fil-livell tal-UE.

1.4

Il-KESE qed jipproponi Forum dwar il-Finanzjament għall-Klima li jindirizza l-kwistjonijiet ewlenin, billi jlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati ewlenin biex jidentifikaw l-ostakoli, ifasslu soluzzjonijiet, u jidentifikaw l-aktar mekkaniżmi effiċjenti għal distribuzzjoni mtejba tal-finanzjament, inkluż tip ta’ servizz ta’ tqabbil li jgħaqqad proġetti u sorsi xierqa ta’ finanzjament għall-klima ma’ xulxin.

1.5

Jeħtieġ li jinħoloq (imbagħad jiġi kkomunikat b’mod effettiv) mekkaniżmu sabiex jintlaħqu l-inizjattivi li jirrikjedu somom iżgħar, li jinkludi:

proċess simplifikat ta’ applikazzjoni

rekwiżiti simplifikati ta’ rapportar

finanzjament simetriku

għajnuniet għall-proġetti fl-istadju tat-tfassil, preapplikazzjoni għall-finanzjament

għajnuniet għall-bini tal-kapaċità, netwerking, l-iskambju u l-iżvilupp ta’ pjattaforma fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew.

1.6

Fokus fuq il-finanzjament għall-klima ma għandux iwassal għall-esklużjoni ta’ finanzjament responsabbli f’oqsma oħra. Il-finanzjament kollu għandu jkun reżistenti għat-tibdil fil-klima biex jiggarantixxi li kwalunkwe fond u finanzjament lil hinn minn finanzjament għall-klima speċifikat ma jkunx qed jaħdem kontra l-impenji u l-miri fir-rigward tal-klima. Dan jeħtieġ li jiġi rrispettat fil-kuntest tal-Artikolu 2.1c tal-Ftehim ta’ Pariġi, sabiex il-flussi ta’ finanzjament eżistenti jkunu konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gass serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

1.7

Jeħtieġ li jiġi żviluppat sett ta’ miżuri, bi strateġija ta’ komunikazzjoni ċara, li jagħti s-setgħa lil atturi mhux statali fil-livelli kollha biex jifhmu u jkunu kapaċi jaċċessaw il-finanzjament għall-klima. Is-sett ta’ miżuri għandu jagħmilha faċli għall-iżviluppaturi tal-proġetti biex ifasslu proġetti li se jikkontribwixxu għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

2.   Introduzzjoni

2.1

Din l-Opinjoni tibni fuq l-Opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar “Koalizzjoni biex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi” (1) u dwar “Il-promozzjoni ta’ azzjonijiet klimatiċi minn atturi mhux statali” (2) kif ukoll fuq l-istudju riċenti tal-KESE (3) li enfasizzaw l-ostakoli li jxekklu l-involviment aktar b’saħħtu ta’ atturi mhux statali fl-azzjoni klimatika.

2.2

Fl-2018, il-KESE appella għal “Djalogu Ewropew dwar Azzjoni Klimatika Mhux Statali” (ED-NSCA) sabiex isaħħaħ u jżid il-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskala tal-azzjoni klimatika mhux statali bbażata fl-Ewropa. Huwa sostna li l-għan tad-djalogu ma għandux ikun biss li jixħet dawl fuq u juri l-azzjonijiet, iżda wkoll li jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-atturi mhux statali billi jispira sħubijiet ġodda fost atturi statali u mhux statali; jiffaċilita t-tagħlim bejn il-pari, it-taħriġ u l-kondiviżjoni tal-pariri fost l-atturi mhux statali; iżid il-finanzjament disponibbli u jiffaċilita l-aċċess għalih.

2.2.1

It-terminu “atturi mhux statali” jirreferi għal atturi li mhumiex Parti għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC). Dan il-fehim wiesa’ jinkludi diversi tipi ta’ negozji, inklużi l-intrapriżi ż-żgħar, ta’ daqs medju u mikro; l-investituri; il-kooperattivi; il-bliet u r-reġjuni, it-trejdjunjins; il-komunitajiet u l-gruppi taċ-ċittadini; l-organizzazjonijiet ibbażati fuq it-twemmin reliġjuż, gruppi ta’ żgħażagħ, u organizzazzjonijiet oħra mhux governattivi.

2.2.2

Il-proċess propost tad-Djalogu Ewropew dwar Azzjoni Klimatika Mhux Statali għandu jappoġġja l-aċċess għall-finanzjament għal azzjonijiet mhux statali. Dan għandu jinvolvi:

l-immappjar ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament;

pariri dwar pjani li jistgħu jiġu ffinanzjati;

ħarsa lejn kif il-katina tal-valur finanzjarju eżistenti (kemm pubblika kif ukoll privata) qed tipprovdi finanzjament għall-investimenti klimatiċi li l-atturi mhux statali għandhom l-għan li jagħmlu;

l-analiżi tal-possibbiltajiet għal distribuzzjoni effettiva tal-fondi/finanzjament lil proġetti fuq skala iżgħar li jkollhom il-potenzjal li jkunu trasformattivi;

l-analiżi tad-djalogu attwali u tal-proċeduri ta’ konsultazzjoni ma’ atturi mhux statali, bil-ħsieb tal-istabbiliment ta’ tekniki ġodda u tal-aħjar prattika sabiex jissaħħaħ l-użu ta’ fondi Ewropej u internazzjonali eżistenti;

talba li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE li ġej jaqdi l-ambizzjonijiet ogħla tal-atturi mhux statali b’rabta mal-klima, u biex azzjonijiethom jiġu inċentivizzati;

l-esplorazzjoni ta’ finanzjament innovattiv (bejn il-pari, kollettiv, mikro, bonds ekoloġiċi, eċċ.).

2.3

Il-Finanzjament għall-Klima jista’ jiġi interpretat b’ħafna modi iżda l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, (il-UNFCCC), il-kumitat permanenti dwar il-finanzjament jiddefinih bħala “finanzjament li għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet, u jtejjeb il-bjar ta’ gassijiet serra u għandu l-għan li jnaqqas il-vulnerabbiltà ta’, u jżomm u jżid ir-reżiljenza tas-sistemi umani u ekoloġiċi għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima”.

2.4

Din l-Opinjoni teżamina l-Finanzjament għall-Klima fir-rigward tal-Istati Membri tal-UE u dawk li mhumiex partijiet għall-UNFCCC fi ħdan dawk il-pajjiżi, li jippermetti lill-OSĊ, il-muniċipalitajiet u l-gvern lokali aċċess għall-istrumenti finanzjarji meħtieġa sabiex jassistu fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ proġetti, inizjattivi u attivitajiet li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, u jagħmlu l-komunitajiet reżistenti għat-tibdil fil-klima.

2.5

Huwa importanti li din l-Opinjoni titqies fil-kuntest tal-Ġustizzja Klimatika (4) bħala mezz sabiex jiġi żgurat li l-ispejjeż tal-azzjoni klimatika ma jitpoġġewx b’mod sproporzjonat fuq l-ifqar u l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

2.6

Il-finanzjament tal-ewwel passi fi tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u kemm għall-adattament kif ukoll għall-mitigazzjoni huwa kritiku sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta, u biex jiġu aċċellerati l-azzjonijiet fil-livell lokali.

2.7

Għal mikroproġetti u proġetti żgħar, l-aċċess għal ammonti minn EUR 2 000 sa EUR 250 000 jista’ jkun diffiċli. Huma meħtieġa mekkaniżmi effiċjenti sabiex jiġi żgurat li azzjonijiet fuq skala iżgħar mmexxija mill-komunità ma jiġux esklużi mill-potenzjal trasformattiv tal-finanzjament għall-klima.

2.8

L-UE, matul l-aħħar deċennju, żviluppat b’suċċess firxa ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament adattati għal dawn il-ħtiġijiet – ll-programm EIDHR għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-programm tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima (GCCA), l-istrumenti finanzjarji ta’ Kofinanzjament tal-NGOs u Kooperazzjoni Deċentralizzata – li jistgħu jispiraw l-iżvilupp ta’ strumenti xierqa għat-tibdil fil-klima.

3.   Problemi identifikati

Kuntest

3.1

Il-KESE huwa impenjat bis-sħiħ fil-qafas tal-programm tal-Iżvilupp Sostenibbli 2030 stabbilit min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Ftehim ta’ Pariġi. Madankollu, it-trajettorja li ninsabu fuqha tippermetti li nillimitaw bl-aħjar mod iż-żieda fit-temperatura sa 3 oC jew aktar, ferm lil hinn minn dik prevista fil-Ftehim ta’ Pariġi. Iċ-ċaqliqa lejn is-sostenibbiltà ser teħtieġ sforzi kbar u investiment sinifikanti. L-investiment totali medju annwali ta’ mitigazzjoni relatat mal-enerġija għall-perjodu 2015–2050 f’perkorsi li jillimitaw it-tisħin għal 1,5 oC huwa stmat għal madwar USD 900 biljun skont ir-rapport speċjali tal-IPCC dwar l-impatti tat-tisħin globali ta’ 1,5 oC ’il fuq mil-livelli preindustrijali.

3.2

Għalkemm l-investiment meħtieġ biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima huwa kbir, mhuwiex kbir daqs l-investiment meħtieġ biex jiġi salvat minn kollass is-settur finanzjarju f’dawn l-aħħar snin. F’dik l-okkażjoni kienu mobilizzati investimenti ta’ EUR 2,5 triljun. Il-kollass potenzjali tal-ekosistemi li jsostnuna għandu, tal-anqas, jiġġustifika rispons ugwali.

3.3

Spiss wisq, id-diskussjoni dwar il-finanzjament għall-klima tikkonċentra fuq il-ħolqien ta’ linji ta’ finanzjament espliċiti ġodda filwaqt li l-Ftehim ta’ Pariġi jitlob li l-flussi finanzjarji kollha jkunu konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gass serra u l-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

3.4

Is-Sħubija ta’ Marrakech u l-Aġenda għal Azzjoni Klimatika Globali huma opportunitajiet għall-involviment ta’ atturi mhux statali fil-proċess formali tal-UNFCCC. Il-qbid tal-azzjonijiet fi ħdan l-UE, u l-finanzjament tal-azzjonijiet sabiex jiġu mmassimizzati l-impatti potenzjali tagħhom mhuwiex fokus fit-tfassil tal-pakketti ta’ finanzjament.

3.5

Minkejja li nkiseb progress fil-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tisħin globali u l-effetti tiegħu, dan mhuwiex biżżejjed. L-aħħar rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima jiddikjara (5) b’mod ċar li ninsabu f’perjodu kritiku, b’azzjonijiet radikali meħtieġa fl-għaxar snin li ġejjin sabiex l-impatti jiġu limitati għal livelli maniġġabbli. Trid tingħata prijorità politika lil finanzjament u lil ekonomija sostenibbli, b’mod partikolari permezz ta’ leġislazzjoni ċara, stabbli u bbażata fuq l-inċentivi.

3.6

Mhuwiex suffiċjenti li jiġi allokat perċentwal stabbilit ta’ baġit għall-finanzjament għall-klima jekk parti oħra tal-baġit tintefaq fuq attivitajiet ta’ ħsara għall-klima. L-infiq kollu jeħtieġ li jiġi kkunsidrat f’termini tal-impatt tiegħu fuq il-klima. Dokument ta' ħidma tal-Fond Monetarju Internazzjonali jqis li s-sussidji diretti u indiretti li jingħataw globalment għall-karburanti fossili jammontaw għal USD 53 triljun fis-sena li jfisser iktar minn USD 15-il biljun kuljum. Anki bl-ammont ta' USD 100 biljun fis-sena, previst taħt il-Fond Ekoloġiku għall-Klima, l-impatt negattiv ta' dawn is-sussidji ma jkunx ikkumpensat.

3.7

It-tranżizzjoni tal-enerġija mhix se tiġi implimentata b’suċċess fil-ħin u f’konformità mal-impenji Ewropej skont il-Ftehim ta’ Pariġi, jekk il-kwistjoni tal-faqar enerġetiku tkun politikament traskurata. Tqassim ġust tal-ispejjeż u l-benefiċċji kemm finanzjarji kif ukoll soċjali assoċjati mat-tranżizzjoni tal-enerġija sostenibbli tal-Ewropa fost il-livelli kollha tal-gvern u l-atturi tas-suq, inklużi ċ-ċittadini, huwa meħtieġ. L-istudju xjentifiku Heat Roadmap Europe (6) juri li l-Ewropa hija kapaċi tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha b’86 % fl-2050 b'paragun mal-1990 b’teknoloġiji eżistenti b’mod affordabbli u kosteffikaċi.

3.8

Ir-riċerka għal din l-opinjoni ssottolinjat in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-immappjar tal-flussi ta’ finanzjament iddedikat għall-klima fi ħdan l-Istati Membri. Huwa diffiċli tivvaluta jekk il-fondi humiex qegħdin jinqasmu f’somom ta’ flus iżgħar aċċessibbli jew x’inhu l-effett trasformattiv tal-finanzjament. Dan in-nuqqas ta’ monitoraġġ u rappurtar iżid l-ambigwità madwar il-problema perċepita, u jxekkel l-iżvilupp tal-aktar soluzzjonijiet effettivi.

Aċċess għal negozju u l-SMEs

3.9

L-aċċess għall-fondi jibqa’ sfida ewlenija għat-tipi kollha ta’ atturi mhux statali, inklużi d-diversi sfidi li jiffaċċjaw l-SMEs u negozji akbar. Din l-isfida ma tinvolvix biss id-disponibbiltà ta’ aktar fondi u ta’ fondi addizzjonali, iżda wkoll iċ-ċarezza tal-mekkaniżmi eżistenti ta’ finanzjament.

3.10

Barra minn hekk, hemm ukoll diffikultà fid-definizzjoni dwar x’jikkostitwixxi “investiment ekoloġiku”. L-investituri huma primarjament iffukati fuq ir-riskju u r-ritorn, u huwa diffiċli għalihom li jivvalutaw l-impatt potenzjali fuq il-klima ta’ proġett propost, u jkejlu l-possibilitajiet ta’ suċċess tiegħu. Selliefa privati se jsibuha bi tqila biex jiffinanzjaw proġett mingħajr fehim ċar tar-riskji tal-investiment kif ukoll il-mekkaniżmi li jtaffu r-riskju – fi kliem ieħor mingħajr garanziji.

Aċċess għall-gvernijiet lokali u reġjonali

3.11

Għall-gvernijiet sottonazzjonali, fatturi li jillimitaw l-aċċess tagħhom għall-finanzjament jinkludu: klassifikazzjonijiet tal-kreditu baxxi; kapaċità limitata biex jiġi mobilizzat il-finanzjament privat minħabba d-daqs insuffiċjenti tas-suq ta’ investiment f’infrastruttura b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u profili mhux attraenti tar-riskji u tal-gwadanji; u limiti sovrani stabbiliti mill-gvernijiet nazzjonali dwar kemm jew jekk gvern sottonazzjonali jista’ jissellef mis-settur privat.

Aċċess għal inizjattivi komunitarji

3.12

Bħalissa fl-Ewropa hemm bosta eluf ta’ inizjattivi fil-livell lokali dwar it-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà. Dawn l-inizjattivi għandhom kontribut sinifikanti x’jagħtu għall-għanijiet tal-UE dwar il-klima, l-enerġija u s-sostenibbiltà iżda jiddependu prinċipalment mill-voluntiera u ostakolu ewlieni għall-iżvilupp u l-espansjoni tagħhom huwa n-nuqqas ta’ finanzjament u appoġġ professjonali. Ħafna drabi, huma meħtieġa riżorsi modesti ħafna, li mingħajrhom l-inizjattivi jitħabtu biex jimxu ’l quddiem u jniedu proġetti. Il-potenzjal trasformattiv ta’ dawn l-inizjattivi mhux qed jiġi sfruttat.

3.13

F’ħafna każijiet, l-inizjattivi fil-livell lokali jsibuha diffiċli biex jaċċessaw is-sorsi ta’ finanzjament konvenzjonali. Ta’ spiss, l-ammont minimu ta’ finanzjament meħtieġ biex issir applikazzjoni għalih huwa għoli wisq, u ħafna aktar mill-ħtiġijiet jew il-kapaċità ta’ ġestjoni ta’ inizjattivi lokali fuq skala żgħira. Ir-rekwiżiti ta’ kofinanzjament joħolqu ostakoli addizzjonali.

3.14

Ir-rekwiżiti ta’ finanzjament simmetriku, il-burokrazija eċċessiva u l-proċessi kkumplikati huma parti mill-problemi identifikati mill-gruppi iżgħar sabiex jaċċessaw il-finanzjament. Għalkemm dawn it-tipi ta’ proġetti/inizjattivi huma individwalment żgħar, l-effett kumulattiv tagħhom jista’ jkun kbir. Hemm ukoll bosta benefiċċji u vantaġġi indiretti lokali addizzjonali meta programmi żgħar ibbażati fil-komunità jiġu appoġġjati b’finanzjament adegwat.

3.15

Il-biċċa l-kbira tal-finanzjament, jekk mhux kollu, huwa orjentat lejn il-proġetti u ma jindirizzax il-ħtieġa li r-riżorsi jappoġġjaw il-proċessi f’livelli differenti, mill-organizzazzjoni tal-komunità u l-bini tal-kapaċità fil-livell lokali, san-netwerking, l-iskambju u l-iżvilupp tal-pjattaformi fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Appoġġ ta’ finanzjament f’dan il-qasam jista’ jgħin ħafna biex iħaffef il-livell ta’ involviment taċ-ċittadini u tal-komunità dwar l-azzjoni klimatika u jgħin ukoll biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed organizzazzjoni u kollaborazzjoni biex ikunu appoġġjati negozji li qed jespandu u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-politika.

Aċċess għall-Finanzjament għall-Innovazzjoni

3.16

L-intraprendituri fi stadju bikri wkoll jiffaċċjaw bosta sfidi fl-aċċess għall-finanzi, in-nuqqas ta’ għarfien u esperjenza, l-aċċess għas-swieq u l-iskalar lil hinn mill-fażi tal-bidu. Il-finanzjament tal-innovazzjoni huwa parti kritika tas-soluzzjoni għall-kriżi klimatika, iżda huwa daqstant ieħor importanti li wieħed ikun innovattiv fil-mekkaniżmi ta’ finanzjament u t-twettiq tagħhom. Inizjattivi bħal Climate-KKI tal-EIT għandhom l-għan li jindirizzaw dawn l-isfidi permezz tal-integrazzjoni tal-klima fis-swieq finanzjarji, id-demokratizzazzjoni ta’ informazzjoni dwar ir-riskju klimatiku u l-appoġġ ta’ investimenti f’negozji ġodda innovattivi.

4.   Is-soluzzjonijiet proposti

4.1

Il-KESE jipproponi li jiġi stabbilit tip ta’ Forum dwar il-Finanzjament għall-Klima fil-livell tal-UE b’netwerk deċentralizzat. Dan iġib flimkien il-partijiet kollha rilevanti u jiffaċilita reazzjoni kkoordinata għall-problemi identifikati hawnhekk. Ikun intermedjarju għall-iżvilupp tal-mekkaniżmi meħtieġa, kif identifikati f’din l-Opinjoni.

4.2

Funzjoni tal-Forum dwar il-Finanzjament għall-Klima jeħtieġ li tkun pjattaforma ta’ djalogu li tgħin biex tikkollega soluzzjonijiet partikolarment promettenti u effettivi mhux statali għal investituri privati u istituzzjonali. Barra minn hekk, enfasi qawwija fuq il-potenzjal għaż-żieda u għar-replikazzjoni hija meħtieġa fl-Istati Membri kollha tal-UE u lil hinn, sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt. Il-KESE, bin-netwerk tiegħu ta’ gruppi tas-soċjetà ċivili organizzata madwar l-Ewropa, qiegħed f’pożizzjoni b’saħħitha biex ikun parti minn Forum dwar il-Finanzjament għall-Klima, bħala vuċi li tista’ tirrappreżenta l-kwistjonijiet fil-livell lokali biex jiġi aċċessat il-finanzjament.

4.3

Il-komunikazzjoni effettiva se tkun parti essenzjali ta’ kull strateġija ta’ suċċess biex jiġu indirizzati l-problemi fil-finanzjament għall-klima. Il-komunikazzjoni jeħtieġ li tivvjaġġa fid-direzzjonijiet kollha, li tidentifika b’mod ċar l-udjenza u tikkomunika, f’lingwaġġ effettiv, preċiż u xieraq, l-opportunitajiet u l-aċċessibbiltà ta’ għażliet finanzjarji.

4.4

Il-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet oħra tal-UE jeħtieġ li jiżviluppaw dokumenti ta’ gwida għall-atturi mhux statali biex jagħmlu użu mill-mekkaniżmi ta’ finanzjament eżistenti. Hemm bżonn ta’ sistema li tidentifika, tanalizza, tissintetizza u xxerred informazzjoni dwar il-varjetà tas-sorsi ta’ finanzjament disponibbli għall-azzjoni klimatika minn atturi mhux statali. Din tista’ tibni fuq il-ħidma li qed issir mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li qed jidentifika l-passi biex jiżviluppa sett ta’ għodod li jinkludi informazzjoni li tinftiehem faċilment għall-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-fondi u l-finanzjament disponibbli għal azzjoni klimatika.

4.5

Huwa meħtieġ mekkaniżmu ta' monitoraġġ biex joħloq immappjar ċar dwar il-flussi ta’ finanzjament għall-klima, li jgħin biex jiġu identifikati l-ostakoli u jiffoka fuq is-soluzzjonijiet prattiċi sabiex jitneħħew dawk l-ostakoli. Dan huwa l-ewwel pass urġenti. Proċess ta’ mmappjar ikun ukoll pass kritiku sabiex jiġu mifhuma l-ostakoli għall-aċċess għal atturi mhux statali fuq skala żgħira. L-immappjar tal-finanzjament jgħin ukoll sabiex jiġu identifikati l-lakuni fil-qbid tal-azzjonijiet klimatiċi pożittivi li għandhom ikunu parti mill-proċess tal-Aġenda għal Azzjoni Klimatika Globali.

4.6

Il-KESE jitlob lill-UE biex tkun minn ta’ quddiem biex tipprovdi mudell dwar kif għandu jinqabad il-kontribut tal-atturi mhux statali sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi. L-atturi klimatiċi mhux statali Ewropej – speċjalment dawk iżgħar – jistennew għajnuna mill-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jimmobilizzaw il-fondi ddedikati għall-klima, u biex jiksbu aċċess aħjar għall-finanzjament permezz ta’ rappurtar u proċeduri aktar sempliċi. Dan jiffaċilita l-qbid ta’ bosta azzjonijiet li ma jiġux rikonoxxuti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Pereżempju, proġetti taħt ċertu limitu finanzjarju, bħal EUR 50 000, jista’ jkollhom applikazzjoni ta’ paġna waħda semplifikata u formola ta’ rappurtar ta’ paġna waħda.

4.7

Hemm bżonn ta’ finanzjament addizzjonali fil-forma ta’ għotjiet fuq skala żgħira, bi proċeduri semplifikati ta’ applikazzjoni u rappurtar, immirati speċifikament għall-azzjoni bażika fil-livell lokali dwar it-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà, u mingħajr rati ta’ kofinanzjament projbittivi. Jistgħu jitfasslu mekkaniżmi li jippermettu l-proġetti jingħaqdu flimkien sabiex jittejjeb l-impatt tal-finanzjament, u biex jiffaċilitaw l-aċċess. Dawn l-għodod jeħtieġ jiġu żviluppati b’mod urġenti.

4.8

Għandu jiġi żviluppat mekkaniżmu ta’ appoġġ li jippermetti l-proġetti jużaw l-għarfien espert fil-preapplikazzjoni għall-istadju ta' finanzjament, sabiex il-proġetti jiġu mfassla b’mod effettiv u ppreżentati b’mod xieraq.

4.9

Fil-livell tal-UE hemm bżonn li tiġi żviluppata riflessjoni ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi. L-atturi mhux statali għandhom ikunu involuti f’din id-diskussjoni mill-bidu sabiex ikunu żgurati s-sempliċità u ċ-ċarezza tal-kriterji tal-allokazzjoni.

4.10

B’mod ġenerali, għandha tiġi stabbilita kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-fondi u l-programmi finanzjarji stabbiliti għall-klima u s-sostenibbiltà u n-netwerks tal-atturi mhux statali. Din hija kwistjoni ta’ kondiviżjoni tal-għarfien, komunikazzjoni u djalogu. Forum dwar il-Finanzjament għall-Klima jista’ jiffaċilita dan.

4.11

Il-miżuri finanzjarji jistgħu jinċentivaw ukoll azzjoni mhux statali, jew imġiba favur l-ambjent minn atturi mhux statali. Pereżempju, it-tnaqqis tat-taxxa fil-livell nazzjonali jista’ jgħin il-produzzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u jistimula l-parteċipazzjoni minn atturi mhux statali fl-azzjoni klimatika.

4.12

Fit-tfassil tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid tal-UE, jista’ jkun hemm opportunitajiet sabiex l-azzjoni klimatika mhux statali minn isfel għal fuq tkun tista’ twettaq b’mod effiċjenti l-impenji klimatiċi tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob għal żieda ta’ mill-anqas 40 % fl-infiq tal-UE li jikkontribwixxi għall-għanijiet klimatiċi (7). It-tieni nett, il-KESE jitlob għat-tneħħija rapida tas-sussidji għall-fjuwils fossili u l-ebda (ko-) finanzjament dirett jew indirett ta’ kwalunkwe enerġija bbażata fuq fossili permezz tal-fondi Ewropej.

4.13

Trid tiġi żviluppata għodda li tqis l-effetti fuq il-klima sabiex ikun żgurat li kwalunkwe nefqa pubblika ma tkunx qiegħda taħdem sabiex tappoġġja attivitajiet li jaggravaw il-kriżi klimatika. Dan għandu japplika wkoll għall-programmi ta’ finanzjament privati. L-allokazzjoni ta’ fondi speċifiċi għall-finanzjament għall-klima ma għandux ifisser li l-partijiet l-oħra ta’ baġit jew ta’ finanzjament jiġu allokati għal attivitajiet li jkunu qed jaħdmu kontra l-għanijiet klimatiċi. L-għan stabbilit fl-Artikolu 2.1c tal-Ftehim ta’ Pariġi għandu jiġi ssodisfat.

4.14

L-istrument finanzjarju prinċipali tal-UE sabiex jappoġġja l-iżvilupp lokali minn isfel għal fuq huwa l-approċċ ta’ Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD). Dan qiegħed f’pożizzjoni ideali sabiex jappoġġja dawn l-inizjattivi minn isfel għal fuq, billi joffri l-potenzjal li jiġu pprovduti għotjiet u għajnuniet li jkunu mfassla skont iċ-ċirkustanzi lokali. F’Diċembru 2017, il-KESE adotta Opinjoni dwar “Il-vantaġġi ta’ approċċ ta’ Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) għal żvilupp integrat lokali u rurali” (8) li ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tesplora u tanalizza bir-reqqa l-opportunitajiet biex jinħoloq fond ta’ riżerva għas-CLLD fil-livell tal-UE. Irrispettivament minn dan, huwa rrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-Istati Membri kollha jkollhom fond nazzjonali għas-CLLD b’kontribuzzjonijiet mill-erba’ Fondi SIE kollha (il-FAEŻR, il-FEŻR, il-FSE u l-FEMS). Din l-istruttura tas-CLLD tista’ tkun waħda mill-intermedjarji użati biex jappoġġjaw proġetti mikro u żgħar imsemmija f’2.7.

4.15

Biex il-katina tal-valur finanzjarju ssir aktar sostenibbli b’mod ġenerali, il-KESE jappoġġja l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli (9) li kien adottat f’Marzu 2018. Il-KESE għamel rakkomandazzjonijiet konkreti għal dan il-Pjan ta’ Azzjoni fl-Opinjonijiet rispettivi tiegħu (10).

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Koalizzjoni sabiex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Ftehim ta' Pariġi (ĠU C 389, 21.10.2016, p. 20).

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-promozzjoni ta’ azzjonijiet klimatiċi minn atturi mhux statali (ĠU C 227, 28.6.2018, p. 35).

(3)  Studju tal-KESE dwar Sett ta’ għodod għal sħubijiet bejn bosta partijiet interessati dwar kwistjonijiet relatati mal-klima – Qafas ta’ politika biex jiġu stimulati azzjonijiet klimatiċi minn isfel għal fuq.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-ġustizzja klimatika (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 22).

(5)  Rapport speċjali tal-IPCC dwar l-impatti tat-tisħin globali ta’ 1,5 oC ’il fuq mil-livelli preindustrijali (Ottubru 2018)

(6)  Il-programm‘Orizzont 2020’ għar-riċerka u l-innovazzjoni taħt il-ftehim ta’ għotja Nru 695989 – Heat Roadmap Europe.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Patt Ewropew dwar il-Finanzjament għall-Klima (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 8).

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-vantaġġi ta’ approċċ ta’ Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) għal żvilupp integrat lokali u rurali (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 36).

(9)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta' Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli.

(10)  Opinjonijiet tal-KESE dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 73), Finanzjament sostenibbli: tassonomija u parametri referenzjarji (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 103) u L-obbligi tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi rigward is-sostenibbiltà (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 97).


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni ta’ nisa Rom”

(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Parlament Ewropew)

(2019/C 110/04)

Relatur:

Ákos TOPOLÁNSZKY

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 30/05/2018

Bażi legali

Artikolu 304(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

7.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat

(favur/kontra/astensjonijiet)

196/2/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Ħafna nisa (u bniet) Rom jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla f’setturi differenti, li żżommhom f’sitwazzjoni fejn ma tantx jistgħu jeżerċitaw drittijiethom. In-nisa Rom jiffurmaw l-aktar grupp ta’ minoranza vulnerabbli fl-UE. Huwa dmir u obbligu importanti ħafna għad-demokraziji Ewropej li din is-sitwazzjoni tintemm.

1.2

Il-KESE jirringrazzja l-ammont kbir ta’ nisa Rom għad-determinazzjoni tagħhom, f’dan il-mument jew fl-imgħoddi, biex jiġġieldu b’kuraġġ kontra l-istrutturi diskriminatorji u l-vjolenza istituzzjonali fl-interess tal-koeżistenza bil-libertà kollha f’Ewropa mingħajr diskriminazzjoni.

1.3

Jeħtieġ li tintemm mingħajr dewmien l-edukazzjoni segregata, li l-livell baxx huwa preċiżament marbut mad-diskriminazzjoni li tikkaratterizzah, filwaqt li jiġi żgurat li l-bniet Rom ikollhom ukoll aċċess għall-elementi kollha ta’ edukazzjoni pubblika ta’ kwalità. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-iskejjel speċjalizzati u mal-proċeduri ta’ orjentazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni stretta mill-aktar fis possibbli.

1.4

Il-KESE jistenna li l-Istati Membri jagħtu prijorità biex jitneħħew il-prattiki tas-saħħa li jiksru l-istandards tas-servizzi li jissodisfaw rekwiżiti etiċi raġonevoli u leġislazzjoni relatata, u li jikkriminalizzaw l-prattiki illegali bħall-isterilizzazzjoni furzata, ir-rifjut ta’ kura tas-saħħa minħabba l-etniċità jew il-provvista ta’ servizzi ta’ kwalità aktar baxxa.

1.5

Jeħtieġ li l-Istati Membri jneħħu minnufih l-forom u l-metodi tax-xogħol diskriminatorji u fl-istess ħin jimplimentaw politiki li huma mfassla biex iżidu l-opportunitajiet tan-nisa Rom li jsibu impjieg.

1.6

Huwa importanti li jiġi defeinit, adottat u rispettat bħala dritt fundamentali, jekk ikun il-każ billi dan jitnaqqax fil-kostituzzjoni tal-Istati Membri, standard minimu aċċettabbli għall-akkomodazzjoni u s-servizzi pubbliċi.

1.7

Jeħtieġ li naġixxu b’determinazzjoni u mingħajr diskriminazzjoni kontra l-forom kollha ta’ traffikar tal-bniedem u ta’ delitti ta’ mibegħda li tagħhom huma vittmi r-Rom, u b’mod aktar speċifiku, in-nisa ta’ din il-komunità.

1.8

In-nisa Rom għandhom ftit opportunitajiet li jiżviluppaw u jevalwaw il-politiki li jistgħu jinfluwenzaw id-destin tagħhom stess. Il-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi bħal dawn għandha tkun żgurata b’mod adegwat.

1.9

Kuntrarjament għal dak li jsir attwalment fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, għandha tingħata attenzjoni speċjali għat-tħassib u l-interessi tan-nisa Rom fl-istrateġiji Ewropej u nazzjonali ta’ rkupru ta’ wara l-2020.

2.   Is-sitwazzjoni tan-nisa Rom fl-Unjoni Ewropea

2.1

Ħafna nisa (u bniet) Rom jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla f’setturi differenti, li żżommhom f’sitwazzjoni fejn ma tantx jistgħu jeżerċitaw drittijiethom. In-nisa Rom jiffurmaw l-aktar grupp ta’ minoranza vulnerabbli fl-UE. Din is-sitwazzjoni għandha titqies bħala ksur sistemiku għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali, u ddgħajjef serjament l-idea Ewropea bbażata fuq il-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (1) kif ukoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2). Ftit li xejn sar progress f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar snin.

2.2

Minkejja n-nuqqas ta’ data diżaggregata skont l-etniċità u l-ġeneru fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tagħti stampa preċiża tas-sitwazzjoni żvantaġġata li jinsabu fiha n-nisa Rom (prinċipalment fil-kuntest tal-istħarriġ EU-MIDIS II (3)). Jidher li, fis-setturi kollha tas-soċjetà, in-nisa Rom huma żvantaġġati mhux biss meta mqabbla mal-popolazzjoni ġenerali, iżda wkoll meta mqabbla mal-irġiel tal-komunitajiet tagħhom stess.

2.3

Il-KESE jemmen li s-saħħa tal-ideal Ewropew imsemmi qabel tirrifletti sa fejn l-aktar dgħajfa fost iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jibbenefikaw minnu. Huwa għalhekk li l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex titjieb is-sitwazzjoni tan-nisa u tal-bniet Rom u tiġi promossa l-awtonomizzazzjoni mhijiex biss obbligu għall-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE, iżda tikkostitwixxi wkoll test għall-kwalità tal-organizzazzjoni demokratika tagħhom u l-maturità tal-istat ta’ dritt tagħhom.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jsemmi l-ugwaljanza u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi fost il-valuri ewlenin li jsostnu l-idea Ewropea. Dawn id-drittijiet jistgħu biss jiġu implimentati b’mod effettiv meta jkunu garantiti bidliet konkreti anke għall-benefiċċju tal-gruppi soċjali li huma l-aktar marġinalizzati u diskriminati. Id-diskriminazzjoni, is-segregazzjoni u l-anti-Żingariżmu jinnegaw b’mod ċar dawn il-valuri.

3.2

Id-drittijiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel Rom huma prerekwiżit għall-awtonomizzazzjoni ekonomika tan-nisa Rom, kif ukoll għall-applikazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali li għandhom igawdu minnhom fl-ambitu politiku, ekonomiku, soċjali, kulturali u ċivili u li għandhom jiġu garantiti b’mod kostituzzjonali.

3.3

F’dan il-kuntest, il-KESE, f’konformità mal-Opinjonijiet (4) preċedenti tiegħu, jilqa’ l-għanijiet tal-istrateġija qafas tal-UE, filwaqt li jiġbed partikolarment l-attenzjoni dwar il-bżonn li jkun hemm implimentazzjoni konsistenti, kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ progress miksub.

3.4

Huwa jinnota wkoll li l-anti-Żingariżmu jista’ jiġi osservat kważi fil-livelli kollha ta’ attività tal-Istati Membri, fl-amministrazzjonijiet kif ukoll fl-istituzzjonijiet, b’tali mod li r-Rom jiġu mċaħħda minn aċċess ugwali għas-servizzi pubbliċi, kif ukoll milli jgawdu mid-drittijiet indaqs u t-trattament ugwali obbligatorju, milli jieħdu sehem fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom f’konformità mal-proporzjon tagħhom fil-popolazzjoni globali, u milli jipproteġu lilhom infushom kontra l-konsegwenzi ta’ diskriminazzjoni. Dan huwa partikolarment minnu għan-nisa Rom.

3.5

Sabiex jiġi identifikat il-ksur sistematiku tad-drittijiet tan-nisa Rom, il-Kumitat jitlob li jitħejjew “white papers”, bl-involviment ta’ organizzazzjonijiet indipendenti u kredibbli tal-komunità Rom, billi jiġu kkonsultati u jiġu rikonoxxuti uffiċjalment, b’tali mod li jintefgħu l-ankri għal rikonċiljazzjoni storika.

3.6

Il-KESE jirringrazzja l-ammont kbir ta’ nisa Rom għad-determinazzjoni tagħhom, f’dan il-mument jew fl-imgħoddi, biex jiġġieldu b’kuraġġ kontra l-istrutturi diskriminatorji u l-vjolenza istituzzjonali fl-interess tal-koeżistenza bil-libertà kollha f’Ewropa mingħajr diskriminazzjoni.

4.   Oqsma speċifiċi ta’ politika pubblika (5)

4.1   Edukazzjoni

4.1.1

It-tagħlim segregat dejjem huwa illegali, u dan inevitabbilment iwassal għal riżultat sfavorevoli. Il-konsegwenzi negattivi tas-segregazzjoni skolastika huma ta’ piż partikolarment tqil fuq il-bniet Rom u tagħlqilhom l-opportunitajiet ta’ mobilità soċjali. Għalhekk jeħtieġ li jintużaw il-mezzi legali kollha u l-appoġġ immirat ta’ politika pubblika, u li jiġu żgurati l-ispejjeż addizzjonali meħtieġa biex jiġu indirizzati, skont l-istennijiet tal-UE il-livell baxx tal-edukazzjoni segregata minħabba d-diskriminazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-bniet Rom ikollhom ukoll aċċess għall-elementi kollha ta’ edukazzjoni pubblika ta’ kwalità. Il-gvernijiet għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli r-riżorsi umani, it-taħriġ u l-programmi edukattivi xierqa.

4.1.2

Dijanjożi infondata ta’ diżabilità mentali u s-segregazzjoni skolastika, li tagħhom jistgħu jkunu vittmi t-tfal Rom, għandhom jitqiesu bħala wieħed mill-aktar ksur serji ta’ drittijiethom, li jeqirdilhom il-futur tagħhom. Dawn il-valutazzjonijiet għandhom jiġu ċċekkjati regolarment minn istituti speċjalizzati indipendenti. Irid jiġu żgurat li l-proċedura ta’ verifika tkun tista’ tinbeda mingħajr xkiel fuq talba ta’ kwalunkwe parti kkonċernata, l-ewwel nett minn ġenitur jew tutur, jew ukoll mill-iskola.

4.1.3

F’każ ta’ suspett ta’ żbalji ta’ ġudizzju rikorrenti, u b’mod partikolari sistematiċi, li għandhom l-għan jew l-effett ta’ segregazzjoni, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-Istati Membri jwettqu mill-aktar fis possibbli inkjesta dettaljata dwar il-kawżi, jippubblikaw ir-riżultat, jevalwawhom fil-kuntest tal-mekkaniżmi nazzjonali tal-ġlieda kontra s-segregazzjoni u jieħdu l-miżuri leġislattivi u ta’ infurzar tal-liġi adegwati li hemm bżonn.

4.1.4

Sadanittant, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-livell edukattiv tal-klassijiet speċjalizzati jkun joqrob lejn dak tat-tagħlim ġenerali, b’mod li ma jibqgħux sempliċiment jitqiesu bħala li ma jwasslu għal imkien.

4.1.5

Il-KESE jirrakkomanda limitazzjoni, friżar, jew, fil-każ ta’ problemi sistematiċi, sempliċiment jiġu rtirati il-fondi Ewropej għall-pajjiżi fejn is-segregazzjoni skolastika mhix qed tonqos, u saħansitra qiegħda tiżdied. Il-Kumitat jittama li f’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni legali tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 7 u l-mekkaniżmu ta’ salvagwardja tal-istat tad-dritt) għandhom jiġu implimentati malajr u b’mod effiċjenti.

4.1.6

Huwa xieraq li jiġu implimentati programmi ta’ taħriġ u ta’ taħriġ kontinwu “tat-tieni opportunità” għan-nisa Rom, sabiex jiżdidilhom l-opportunitajiet edukattivi u jitnaqqas ir-riskju ta’ tluq bikri mill-iskola, sabiex ikun jista’ jkollhom aċċess għal affarijiet oħra apparti impjiegi sussidjati mill-Gvern jew impjiegi inferjuri, parzjalment dikjarati jew atipiċi, li jċaħħduhom milli jkollhom possibbiltà għal mobilità soċjali.

4.2   Saħħa

4.2.1

In-nisa Rom, li ta’ spiss jgħixu f’żoni gettoizzati jew b’aċċess diffiċli, spiss jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ ċaħda, ta’ malafama, jew saħansitra ta’ vjolenza fiżika u psikoloġika meta jiġu biex jirċievu l-kura tas-saħħa. Rigward is-saħħa riproduttiva, ġeneralment għandhom aċċess limitat ħafna għad-drittijiet tagħhom. Il-KESE jħeġġeġ bis-saħħa lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu u joperaw unitajiet mobbli b’tagħmir u kapaċitajiet adegwati għall-popolazzjonijiet li jgħixu f’sitwazzjoni ta’ segregazzjoni. Huwa jappella wkoll li jiġi rivedut kif jaħdmu s-servizzi marbutà mal-maternità u t-tqala, segwit bit-titjib meħtieġ.

4.2.2

Il-KESE jistenna li l-Istati Membri jagħtu prijorità biex jitneħħew il-prattiki tas-saħħa li jiksru l-istandards etiċi raġonevoli u l-leġislazzjoni relatata, u jekk ikun il-każ, jieħdu azzjoni legali. Proċeduri tal-appell faċilment aċċessibbli għandhom jiġu pprovduti b’xejn sabiex jeżerċitaw id-drittijiet relatati mas-saħħa, kif ukoll kura speċjali li tirrifletti l-bżonnijiet reali tal-persuna kkonċernata. Dan jinkludi l-ħolqien ta’ punti ta’ tagħrif dwar is-saħħa, it-taħriġ u l-użu ta’ medjaturi tas-saħħa jew l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi tas-saħħa pubblika li jilħqu lill-popolazzjonijiet gettoizzati.

4.2.3

Huwa urġenti li l-gvernijiet jimpenjaw ruħhom b’mod ċar u pubbliku favur il-prinċipju ta’ aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa u l-implimentazzjoni prattika tiegħu, kif ukoll fil-ġlieda kontra l-prattiki li jmorru kontra tiegħu, u biex jistabbilixxu programmi ta’ sensibilizzazzjoni għal dawk kollha involuti. Huwa importanti li jintużaw il-mezzi legali meħtieġa biex jiġi żgurat li n-nisa u t-tfal Rom li ma għandhomx assigurazzjoni tas-saħħa bażika jkunu koperti.

4.3   Sterilizzazzjoni furzata

4.3.1

F’bosta pajjiżi fejn fil-passat twettaq ksur sistematiku tad-drittijiet riproduttivi tan-nisa u fejn l-isterilizzazzjoni furzata u obbligata twettqet u intużat b’mod ġenerali bħala strument ta’ politika tal-Istat, l-awtoritajiet politiċi lanqas biss offrew l-apoloġiji tagħhom jew assumew responsabbiltà. Fejn dan sar, ma kienx hemm rimedju legali jew finanzjarju. Il-Kumitat jipproponi li l-leġislatur Ewropew jagħmel kull sforz sabiex, fil-kuntest tal-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali Ewropea, l-Istati Membri jestendu b’mod sinifikanti, jekk mhux jeliminaw kompletament, il-perjodu ta’ preskrizzjoni għal din it-tip ta’ reat kriminali – li s-sostanza tiegħu hija simili għal dak ta’ delitti kontra l-umanità – u jadottaw leġislazzjoni speċifika sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jiksbu rimedju effettiv u kumpens finanzjarju.

4.3.2

Hemm lok li jinxteħet kull dawl fuq din is-sitwazzjoni u tiġi żgurata trasparenza totali, bil-għan li tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni u jsir impossibbli kwalunkwe ksur futur min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li fl-Istati Membri kkonċernati, reati mwettqa fil-passat f’dan ir-rigward jiġu investigati minn kumitati esperti indipendenti, flimkien mal-vittmi u r-rappreżentanti tagħhom, u jiġu ppubblikati r-riżultati fi proċess ta’ rikonċiljazzjoni soċjetali, bħal dak li sar mill-Iżvezja bil-“White Paper”.

4.4   Impjiegi

4.4.1

Fis-suq tax-xogħol, in-nisa Rom jinsabu f’sitwazzjoni agħar minn dik tal-irġiel tal-komunità tagħhom; l-indikaturi kollha marbutin mal-impjieg li jikkonċernawhom jinsabu f’livell drastikament baxx.

4.4.2

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri mmirati u komprensivi meħtieġa biex titrawwem l-awtonomizzazzjoni ekonomika tan-nisa Rom u jingħataw il-ħiliet meħtieġa għal dan il-għan. Il-promozzjoni tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ mikrokreditu u l-aċċess ħieles u mingħajr diskriminazzjoni għall-benefiċċji marbuta mas-suq tax-xogħol huma ta’ importanza partikolari fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

4.4.3

L-intraprendituri saru importanti bħala fornituri ta’ impjieg u atturi ewlenin tal-benesseri tal-komunitajiet lokali u reġjonali. Dan huwa ta’ rilevanza b’mod partikolari għall-komunitajiet Rom. Fil-kuntest tal-politika dwar il-bżonnijiet tan-nisa Rom imprendituri u tal-SMEs, jeħtieġ li jittieħdu miżuri speċifiċi mhux biss favur l-emanċipazzjoni tan-nisa Rom, iżda wkoll biex jiġu appoġġjati l-inizjattivi tagħhom dwar proġetti komunitarji u l-ħolqien ta’ negozji. Din il-politika speċifika, imfassla speċifikament biex jiġu appoġġjati n-nisa Rom, hija kompletament nieqsa f’bosta Stati Membri u l-KESE jitlob li jkun hemm impenn biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet li tista’ toffri.

4.4.4

Il-Kumitat jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha tas-soċjetà biex jorganizzaw taħriġ għas-suq tax-xogħol, joħolqu l-impjiegi u forom ta’ impjieg issussidjat fi kwantità suffiċjenti. Huwa importanti li jiġu pprovduti indennizzi għall-ispostament u għajnuna għat-taħriġ kontinwu u għat-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll li permezz ta’ għodod ta’ politiki pubbliċi mmirati tiġi appoġġjata l-possibbiltà għan-nisa Rom f’sitwazzjonijiet vulnerabbli li jikkonċiljaw il-ħajja professjonali ma’ dik tal-familja.

4.4.5

L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex in-nisa Rom joħorġu mill-pożizzjoni vulnerabbli tagħhom fis-suq tax-xogħol u jitneħħew il-forom ta’ impjieg (kważi) furzat, semi-legali jew illegali tagħhom li tagħhom huma vittma.

4.4.6

Għal dan il-għan u minħabba l-importanza tal-integrazzjoni ta’ dawn in-nisa fis-suq tax-xogħol, huwa importanti li jiġu stabbiliti programmi tat-tieni opportunità relatati mal-impjieg u li jkollhom l-għajnuna ta’ medjaturi kif ukoll indennizzi tal-ivvjaġġar u għajnuna għat-taħriġ. Barra minn hekk, għandu jsir kull sforz biex titneħħa d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u jiġu sensibilizzati l-impjegaturi.

4.5   Akkomodazzjoni, servizzi pubbliċi

4.5.1

Fis-sitwazzjonijiet ta’ segregazzjoni, huma n-nisa u t-tfal li jbatu l-iżjed mill-konsegwenzi diżastrużi tas-segregazzjoni fuq il-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa li f'dawn iż-żoni jinħoloq standard minimu aċċettabbli għall-akkomodazzjoni, is-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura, li għandu jiġi applikat bħala dritt fundamentali, u preferibbilment minqux fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri.

4.5.2

Il-KESE jipproponi li l-ksib ta’ dawn il-ħtiġijiet (permezz, pereżempju, tal-provvista tal-ilma tax-xorb, l-elettriku, it-tindif u t-trattament tal-ilma mormi, il-kisi tat-toroq bl-asfalt, il-ġbir tal-iskart, l-aċċessibbiltà tas-servizzi pubbliċi, eċċ.) huwa prerekwiżit għal aktar investiment fl-iżvilupp urban kif ukoll il-ksib u l-użu tas-sussidji.

4.5.3

Jeħtieġ li jintemmu l-proċeduri mhux ġustifikati u illegali ta’ tkeċċija, u li jiġi żgurat li n-nisa Rom li huma vittmi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja speċifika, disponibbli u aċċessibbli. In-nisa trawmatizzati minn dawn it-tkeċċijiet furzati għandhom ikunu kkumpensati.

4.6   Tneħħija ta’ strutturi tal-vjolenza

4.6.1

In-nisa u l-bniet Rom huma partikolarment vulnerabbli fis-sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni u ta’ segregazzjoni, u faċilment jispiċċaw il-vittmi ta’ reati u ta’ atti ta’ vjolenza. Dawn huma affettwati b’mod sproporzjonat mill-forom kollha magħrufa ta’ sfruttament u traffikar tal-bnedmin.

4.6.2

Il-Kumitat jaqbel li kwalunkwe forma ta’ traffikar tal-bniedem u l-vjolenza kontra n-nisa Rom jikkostitwixxu ksur gravi tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li huma espressament projbiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u li l-Istati Membri għandhom jaġixxu fuq din il-bażi (6). Dawn huma reati kriminali serji, li huma r-riżultat tad-domanda u li huma, taħt diversi forom, eċċessivament profittabbli għall-kriminalità internazzjonali organizzata, u li għalihom in-nisa u t-tfal Rom huma esposti b’mod sproporzjonat.

4.6.3

Il-KESE jittama li l-Istati Membri jinkorporaw mingħajr dewmien fil-liġi kriminali nazzjonali tagħhom il-penali għal dawn il-forom ġodda li qegħdin dejjem jinbidlu ta’ reati, u li jieħdu miżuri ġudizzjarji kkoordinati u mmirati biex ifixklu u jneħħu kemm jistgħu l-flussi ta’ profitti miksubin bil-forza. Jeħtieġ li jiġi analizzat il-kuntest soċjoekonomiku usa’ li fih jitwettqu dawn ir-reati, li jiġu identifikati s-sitwazzjonijiet ta’ faqar, diskriminazzjoni u vulnerabbiltà, u jiġu implimentati b’mod koerenti l-istrumenti (strateġiċi, leġislattivi, finanzjarji, edukattivi, ta’ riċerka u oħrajn) tal-politika soċjali li bihom ser jiġu indirizzati.

4.6.4

Il-vjolenza kontra n-nisa Rom tista’ toriġina kemm mis-soċjetà ġenerali kif ukoll mill-komunitajiet tagħhom stess. Fi kwalunkwe każ, huwa importanti li nieħdu azzjoni determinata kontra l-forom iżolati u organizzati kollha ta’ vjolenza fil-qafas ta’ approċċ iffukat fuq il-vittma, speċifikament in-nisa, li jqis il-vulnerabbiltà partikolari tan-nisa u tat-tfal u l-protezzjoni speċjali li għandhom jibbenefikaw minnha, u jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem.

4.6.5

Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li permezz tal-firma tal-Kummissjoni Ewropea, l-UE saret parti għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, normalment magħrufa bħala l-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Huwa jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jirratifikawha u jimplimentawha, bis-sħiħ u b’determinazzjoni, filwaqt li jqisu l-espożizzjoni partikolari tan-nisa Rom f’dan il-qasam.

4.6.6

Barra minn hekk, in-nisa u l-bniet Rom huma b’mod daqstant sproporzjonat, il-miri u l-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda u b'mod partikolari, ta’ diskors ta’ mibegħda. Jeħtieġ li jiġu adottati miżuri biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja tal-persuni kkonċernati u jiġu implimentati, bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-istrumenti li jippermettu li jissensibilizzaw dwar kif jiġi identifikat dan it-tip ta’ reat kriminali.

4.6.7

Il-KESE jappoġġja l-estensjoni ġeografika u l-implementazzjoni ta’ JUSTROM, il-programm konġunt tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex in-nisa Rom jiġu żgurati aċċess għall-ġustizzja.

4.6.8

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-forom istituzzjonali kollha kontra ż-żingari u ta’ segregazzjoni jistgħu jitqiesu wkoll bħala forma ta’ reat vjolenti. Jenfasizza l-importanza li tiġi pprovduta protezzjoni kontra dan it-tip ta’ reat fis-servizzi istituzzjonali ffinanzjati mill-Istat (istituti għall-protezzjoni tat-tfal, is-servizzi soċjali u l-kura tas-saħħa) kif ukoll fl-istrutturi statali taż-żamma tal-ordni u dawk assoċjati (is-servizzi tal-pulizija, il-ġustizzja kriminali u l-ħabs), li kollha huma kuntesti fejn in-nisa Rom huma partikolarment vulnerabbli. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza li jiġi żgurat aċċess faċli u b’xejn għall-protezzjoni legali f’każijiet bħal dawn.

4.6.9

Il-liġi nazzjonali u internazzjonali jridu jpoġġu l-kunċett ta’ żwieġ bikri furzat fuq l-istess livell ta’ forma ta’ traffikar tal-bnedmin u tittieħed azzjoni kif xieraq. L-istrumenti u l-programmi kollha ta’ prevenzjoni u protezzjoni previsti fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin għandhom ikunu disponibbli għall-vittmi ta’ żwiġijiet furzati tat-tfal.

4.7   Inklużjoni u parteċipazzjoni

4.7.1

In-nisa Rom għandhom ftit opportunitajiet li jiżviluppaw u jevalwaw il-politiki li jistgħu jinfluwenzaw id-destin tagħhom stess. Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza li, abbażi tal-prinċipju ta’ “xejn dwarna mingħajrna”, huwa assolutament indispensabbli li, fuq skala adegwata, in-nisa Rom jiġu involuti fit-tfassil, l-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ kwalunkwe programm li jikkonċerna lilhom jew lill-komunitajiet tagħhom. Il-KESE jipproponi li l-parteċipazzjoni tan-nisa Rom attivi tkun tikkorrespondi għall-inqas għal maġġoranza għall-programmi mmirati speċifikament lejn in-nisa Rom, u għall-inqas 30 % għall-programmi maħsuba għall-komunitajiet Rom. Għandha tiġi stabbilita sistema ta’ valutazzjoni li tippermetti li dawn il-proporzjonijiet jitkejlu b’mod affidabbli.

4.7.2

Il-KESE jipproponi li dawn ir-rati ta’ parteċipazzjoni jiġu implimentati b’mod verifikabbli fil-korpi responsabbli għall-politiki ta’ inklużjoni nazzjonali u reġjonali (kunsilli ta’ koordinazzjoni nazzjonali, reġjonali u dipartimentali, kumitati kontra s-segregazzjoni, eċċ.).

4.7.3

Jistieden lill-gvernijiet u lill-awtoritajiet biex jibdew djalogu politiku ġenwin u sostantiv mar-rappreżentanti tan-nisa Rom fil-livelli kollha ta’ organizzazzjoni soċjetali u biex jistabbilixxu l-istrutturi istituzzjonali għal djalogu bħal dan. Għal dan il-għan, il-Kumitat jirrakkomanda li jinħolqu istituzzjonijiet legali speċifiċi, pereżempju kumitati nisa fil-kuntest tal-Pjattaformi Nazzjonali għar-Rom, fejn in-nisa Rom jistgħu jiżguraw li jiġu rappreżentati b’mod dirett, jew il-ħolqien ta’ ombudsman indipendenti għan-nisa Rom.

4.7.4

Il-Kumitat jinnota li l-pożizzjoni tan-nisa Rom spiss tkun neqsin, jew ftit rappreżentata, kemm fl-istrateġiji qafas Ewropej attwali, kif ukoll fl-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom. Għandha tingħata iktar attenzjoni lill-fehma tar-rappreżentanti tan-nisa Rom, mhux biss fil-kuntest ta’ proċess għal wara l-2020, iżda wkoll fit-tfassil ta’ strateġiji futuri ta’ inklużjoni soċjali.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A12012M%2FTXT.

(2)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:12012P/TXT&from=mt

(3)  Bl-Ingliż biss: http://fra.europa.eu/en/project/2015/eu-midis-ii-european-union-minorities-and-discrimination-survey/publications.

(4)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 16; ĠU C 67, 6.3.2014, p. 110; ĠU C 11, 15.1.2013, p. 21.

(5)  Fost il-ħafna proposti mressqa s’issa mill-komunità Rom, mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu favur id-drittijiet tar-Rom, mill-komunità xjentifika, mill-korpi internazzjonali u mill-KESE, din l-Opinjoni ser tirreferi biss għal dawk li huma ta’ rilevanza partikolari għall-implimentazzjoni tad-drittijiet tan-nisa Rom.

(6)  L-Artikolu 5(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea:


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/26


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-swieq tax-xogħol Ewropej”

(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Parlament Ewropew)

(2019/C 110/05)

Relatur:

Helena DE FELIPE LEHTONEN

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 3.5.2018

Bażi legali

Artikolu 29(1) tar-Regoli ta’ Proċedura

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

DD/MM/YYYY

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

7.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

151/2/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Sabiex tittejjeb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-swieq tax-xogħol, il-KESE jqis li huwa meħtieġ li titfassal strateġija Ewropea integrata u ambizzjuża li tindirizza l-ostakli sistemiċi u strutturali u twassal għal politiki, miżuri u programmi ta’ finanzjament tal-UE adegwati sabiex tittejjeb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u b’hekk titrawwem “aktar indipendenza ekonomika ugwali bejn in-nisa u l-irġiel”. Din tikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

1.2.

Din l-opinjoni ttenni l-ħtieġa li jiġu indirizzati aktar xi sfidi identifikati sew, bħad-differenza fid-dħul tal-irġiel u tan-nisa u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u li dwarhom il-KESE diġà ħareġ opinjonijiet (1).

1.3.

Il-KESE jemmen li huma meħtieġa aktar sforzi sabiex tiġi indirizzata d-differenza persistenti bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Jappoġġja bis-sħiħ l-għanijiet tal-Koalizzjoni Internazzjonali għall-Paga Ndaqs fil-ħidma biex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa sal-2030. Jiddispjaċih dwar ir-rata baxxa ta’ implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi tal-2014, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-UE biex jieħdu l-miżuri xierqa sabiex titħaffef l-implimentazzjoni.

1.4.

Il-KESE jfakkar li t-trasparenza fil-pagi għandha r-rwol importanti x’taqdi fil-ġlieda kontra d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa (2). Huwa jirrakkomanda sistemi ta’ pagi newtrali fir-rigward tal-ġeneru bħala mezz sabiex jitrawwem approċċ imparzjali għar-remunerazzjoni u r-reklutaġġ.

1.5.

Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa li jissaħħu l-miżuri sabiex titnaqqas is-segregazzjoni orizzontali tas-sessi fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u s-suq tax-xogħol. Il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u miżuri oħra għandhom jitwettqu sabiex jindirizzaw l-istereotipi u s-segregazzjoni tas-sessi fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fl-għażliet għall-karriera, filwaqt li jagħmlu użu sħiħ mit-teknoloġiji ġodda. Paga u kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar fis-setturi ddominati min-nisa jistgħu jħeġġu aktar irġiel jidħlu għal dawn l-okkupazzjonijiet.

1.6.

Għandhom jiġu ddedikati aktar sforzi għall-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, filwaqt li jitqies l-approċċ intersettorjali (3).

1.7.

Il-KESE japprezza l-isforzi li twettqu mill-Kummissjoni għal monitoraġġ aktar mill-qrib tal-indukrar tat-tfal u tal-kura fit-tul bħala parti mis-Semestru Ewropew. Dan għandu jibqa’ prijorità fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul. Il-KESE huwa favur il-bidu ta’ riflessjoni mġedda mal-Istati Membri dwar il-miri ta’ Barċellona tal-2002 dwar l-indukrar tat-tfal, bil-għan li l-miri jsiru aktar ambizzjużi u li l-approċċ jiġi estiż għall-kura ta’ dipendenti oħra.

1.8.

Il-KESE jistieden lill-Parlament u lill-Kunsill biex jintroduċu indikaturi ġodda u adegwati fil-Fondi Strutturali Ewropej futuri, sabiex jimmonitorjaw aħjar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għad-diversi servizzi tal-kura u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

1.9.

Il-KESE jilqa’ l-proposta FSE+ fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027, li għandu l-għan li jappoġġja l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, kif ukoll li jippromovi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol permezz ta’ miżuri sabiex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-aċċess għall-indukrar tat-tfal u servizzi oħra ta’ indukrar. Madankollu, huwa wkoll tal-fehma li l-finanzjament tal-UE għandu jiġi allokat b’mod aktar sensittiv għall-ġeneru u li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tkun stabbilita bħala għan awtonomu, pjuttost milli tingħaqad mal-għanijiet kontra d-diskriminazzjoni u kontra r-razziżmu.

1.10.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-programm InvestEU għall-2021-2027, li jappoġġja l-investimenti fl-infrastruttura soċjali. Il-KESE jistieden lill-Parlament u lill-Kunsill biex jappoġġjaw bil-qawwa din l-opportunità l-ġdida sabiex jiskattaw l-investimenti meħtieġa fl-indukrar tat-tfal (kif ukoll fl-indukrar wara l-iskola).

1.11.

L-intraprenditorija fost in-nisa għadha lura u jeħtieġ li titrawwem biex jiġi sfruttat il-potenzjal enormi tal-ekonomija diġitali u l-innovazzjoni teknoloġika. Għandu jittejjeb l-aċċess għall-finanzi u t-tranżizzjoni bejn l-istatus tal-impjiegi għandha tiġi ffaċilitata.

2.   Sfond u sfidi

2.1.

L-opinjoni tal-KESE ġiet abbozzata b’risposta għal talba mill-Parlament Ewropew għal Opinjoni esploratorja dwar “L-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-swieq tax-xogħol Ewropej”. Fuq talba tal-Parlament, din l-Opinjoni tikkunsidra l-impatt tal-miżuri deskritti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-prinċipju tal-pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza u l-ħtieġa għal aktar azzjoni biex tiġi indirizzata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa.

2.2.

L-Artikoli 2 u 3(3) tat-TUE, kif ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jirrikonoxxu li d-dritt għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni, u bħala tali jirrappreżenta kompitu importanti. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u d-dritt għal paga indaqs għal xogħol tal-istess valur, bħala wieħed mill-20 prinċipju essenzjali għal swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb.

2.3.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kienu qed jippromovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol permezz ta’ taħlita ta’ strumenti leġislattivi u mhux leġislattivi, rakkomandazzjonijiet, gwida ta’ politika u appoġġ finanzjarju. Fl-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2016-2019 tagħha, il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat il-prijoritajiet li għandhom jiġu indirizzati: indipendenza ekonomika ugwali għan-nisa u l-irġiel, paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali u ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet, dinjità, integrità u t-tmiem tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru; u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri lil hinn mill-UE.

2.4.

Fl-2017, ir-rata ta’ impjiegi fost in-nisa baqgħet tiżdied b’pass kajman iżda konsistenti, bħal dik tal-irġiel, u laħqet ir-rekord ta’ 66,5 %, meta mqabbla ma’ dik tal-irġiel ta’ 78,1 %. Madankollu, id-disparità fl-impjieg bejn il-ġeneri, dik ta’ 11,5 pps, baqgħet l-istess sa mill-2013. Barra minn hekk, il-mira tal-UE 2020 ta’ 75 % okkupazzjoni għan-nisa u l-irġiel x’aktarx li mhux se tintlaħaq. Il-punteġġ tal-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi żdied minn 62 punt fl-2005 għal 65 punt fl-2012 iżda għal 66,2 punti biss fl-2015, parzjalment minħabba l-kriżi. F’għadd ta’ Stati Membri, il-miżuri li ttieħdu biex jindirizzaw il-kriżi ma qisux l-impatt negattiv fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’mod xieraq.

2.5.

Minkejja l-progress ġenerali fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-swieq tax-xogħol Ewropej, l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel għadhom jeżistu. Is-segregazzjoni orizzontali u vertikali huma fatturi importanti li jikkontribwixxu għad-disparità bejn is-sessi mhux aġġustata fi qligħ gross fis-siegħa, li attwalment hija ta’ madwar 16 %. Id-disparità hija aggravata mill-predominanza tan-nisa f’impjiegi part-time u f’setturi mħallsin anqas, kif ukoll bis-sehem ogħla tal-adozzjoni min-nisa ta’ skemi tal-liv, li jwasslu għal pawżi fil-karriera, inqas avvanz fil-karriera u l-akkumulazzjoni aktar baxxa tal-intitolamenti tal-pensjoni.

2.6.

Id-distakk attwali fl-impjiegi bejn il-ġeneri jirrappreżenta telf ekonomiku u soċjali importanti għall-UE, li huwa stmat għal EUR 370 biljun fis-sena. Bl-isfida demografika u t-tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, jeħtieġ li l-Ewropa tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq tax-xogħol tan-nisa kollha, filwaqt li tiġi meqjusa l-intersezzjoni tar-razza, l-oriġini etnika, il-klassi soċjali, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, in-nazzjonalità, ir-reliġjon, il-ġeneru, id-diżabbiltà, l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ migrant, li jistgħu jikkawżaw ostakoli partikulari għall-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

2.7.

Filwaqt li n-nisa għandhom it-tendenza li jkunu impjegati b’mod predominanti f’impjiegi b’pagi inqas u b’inqas ħiliet u f’setturi bħall-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni, l-amministrazzjoni pubblika u l-bejgħ bl-imnut, l-irġiel huma aktar rappreżentati fl-inġinerija, fil-kostruzzjoni u fit-trasport. In-nuqqas ta’ rġiel fl-EHW (okkupazzjonijiet fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fis-servizzi soċjali) qed jiżdied u huwa msaħħaħ min-nuqqas ta’ mudelli pożittivi u ħafna drabi mill-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi inqas attraenti. L-istess jgħodd għan-nisa li huma sottorappreżentati fl-okkupazzjonijiet STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika). Fl-2016, 17 % biss tal-ispeċjalisti tal-ICT fl-UE kienu nisa.

2.8.

Filwaqt li qed tiġi diskussa leġislazzjoni ġdida tal-UE fil-livell tal-Kunsill tal-UE (id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata), in-nisa qed ikomplu jbatu mill-“penali tal-maternità” fuq il-post tax-xogħol., inkluż waqt it-tqala u wara l-ħlas, u din għadha problema f’ħafna Stati Membri. Id-disparità bejn l-impjiegi hija partikolarment għolja għall-ommijiet u għan-nisa b’responsabbiltajiet ta’ indukrar. Fl-2016, aktar minn 19 % tan-nisa inattivi kienu inattivi minħabba li kellhom jieħdu ħsieb it-tfal jew l-adulti. Bħala medja, ir-rata ta’ impjieg tan-nisa b’wild taħt is-6 snin hija ta’ 9 % inqas minn dik tan-nisa li ma għandhomx tfal, differenza li f’xi pajjiżi titla’ sa 30 %.

2.9.

Il-KESE jinsab imħasseb serjament dwar il-livell ta’ fastidju sesswali li jiffaċċjaw in-nisa fuq il-post tax-xogħol u dwar il-fastidju ċibernetiku kontra n-nisa li qed jinfirex. Ifakkar il-ħtieġa għal infurzar aħjar tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li tipprojbixxi l-fastidju u d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol (5).

2.10.

Il-KESE jappella wkoll li jittieħdu miżuri ssemplifikati u speċifiċi mmirati lejn in-nisa li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, għaliex ħafna drabi dawn jiltaqgħu ma’ diffikultajiet akbar meta jidħlu fis-suq tax-xogħol. Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ intersezzjonali, sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol għan-nisa li qed jiffaċċjaw diversi forom ta’ diskriminazzjoni.

2.11.

L-intraprenditorja fost in-nisa għadha mhijiex żviluppata biżżejjed. In-nisa jikkostitwixxu 52 % tal-popolazzjoni totali Ewropea iżda 34,4 % biss ta’ dawk li jaħdmu għal rashom fl-UE u 30 % tal-intraprendituri ta’ negozji ġodda. In-nisa li jaħdmu għal rashom huma finanzjarjament inqas komdi mill-irġiel li jaħdmu għal rashom. 76,3 % tan-nisa li jaħdmu għal rashom fl-UE28 huma ħaddiema awtonomi mingħajr impjegati, meta mqabbla ma’ 69 % tal-irġiel. Għalhekk, l-irġiel spiss ikunu sidien ta’ negozji b’impjegati, filwaqt li n-nisa jaħdmu aktar għal rashom mingħajr impjegati, b’riskju ogħla ta’ introjtu baxx. Il-kreattività u l-potenzjal intraprenditorjali tan-nisa huma sors ta’ tkabbir ekonomiku u ta’ impjiegi mhux sfruttat biżżejjed, li jeħtieġ jiġi żviluppat aktar sabiex jinħolqu negozji ta’ suċċess.

2.12.

Ix-xogħol part-time jista’ jkun għodda siewja biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-irġiel u n-nisa. Madankollu, ta’ spiss, in-nisa jaħdmu part-time aktar mill-irġiel (jirrappreżentaw ’il fuq minn 70 % tal-ħaddiema part-time) u ġiet iddokumentata żieda fl-impjiegi b’inqas pagi (bejgħ bl-imnut, tindif u għajnuna). Il-livelli ta’ xogħol part-time involontarju għall-irġiel u għan-nisa jibqgħu jqajmu tħassib. Il-mira tal-UE 2020 tar-rata ta’ okkupazzjoni ta’ 75 % tista’ tintlaħaq biss permezz ta’ strateġija integrata magħmula minn taħlita koerenti ta’ politiki u miżuri li jippromovu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, impjiegi ta’ kwalità, u li jiżguraw trattament ugwali fl-impjieg u jħeġġu responsabbiltajiet ta’ indukrar aktar ibbilanċjati bejn il-ġenituri u l-persuni li jindukraw qraba dipendenti oħra.

3.   Oqsma għal azzjoni ulterjuri sabiex tinkiseb ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-swieq tax-xogħol Ewropej

3.1.   L-indirizzar tat-trasparenza fil-pagi biex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa

3.1.1.

Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa hija waħda mill-aktar ostakli persistenti għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-swieq tax-xogħol u fis-soċjetà u għat-tkabbir ekonomiku. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-Koalizzjoni Internazzjonali għall-Paga Ndaqs (EPIC), inizjattiva globali mmexxija mill-ILO, UN Women, l-OECD, u inklużi l-gvernijiet, min iħaddem, it-trejdjunjins u s-soċjetà ċivili, bil-għan li titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa sal-2030. Il-KESE jappella lill-UE sabiex issaħħaħ l-azzjoni tagħha ħalli tiżgura li d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa tingħalaq sal-2030.

3.1.2.

Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa (6). Il-KESE jirrikonoxxi wkoll li d-Direttiva 2006/54/KE mfassla mill-ġdid dwar trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2014/124/UE lill-Istati Membri dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta’ pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa kienu strumentali fl-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u għadhom validi. Madankollu hemm il-ħtieġa għal iktar sforzi. Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2013 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE kkonkluda li l-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet dwar il-paga ugwali fl-Istati Membri hija waħda mill-aktar oqsma problematiċi tad-Direttiva.

3.1.3.

EPIC iddikjarat li n-nuqqas ta’ trasparenza fil-pagi taqdi rwol importanti fid-differenzi bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa u li aktar trasparenza fil-pagi tista’ tgħin biex jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi. It-trasparenza fil-pagi għandha rwol importanti x’taqdi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet possibbli fil-pagi. Il-KESE jinsab imħasseb bir-rata baxxa ta’ implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2014 dwar it-Trasparenza fil-Pagi. Għalkemm il-maġġoranza tal-Istati Membri qegħdin iħaddmu xi miżuri mmirati lejn iż-żieda tat-trasparenza fil-pagi, f’terz tal-Istati Membri miżuri bħal dawn huma kompletament nieqsa. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, pereżempju billi jipprevedu l-possibilità li individwu jitlob informazzjoni dwar il-livelli tal-pagi, jew il-possibilità għal impjegaturi, f’kumpaniji ta’ ċertu daqs li għad irid jiġi ddefinit, li jirrappurtaw dwar pagi jew iwettqu awditi tal-pagi, peress li dan irawwem approċċ ġust għar-reklutaġġ u r-remunerazzjoni. Il-ħtieġa għal rispett sħiħ tal-privatezza (data) tal-impjegati u ta’ relazzjonijiet industrijali ġenerali għandha tiġi kkunsidrata wkoll.

3.1.4.

Sabiex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ pagi ugwali u biex tiġi indirizzata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, huma meħtieġa sinerġiji aħjar bejn il-miżuri differenti disponibbli. Fost il-miżuri, hemm is-sistemi ta’ pagi newtrali fir-rigward tal-ġeneru li huma mħeġġa bil-qawwa, peress li jrawmu approċċ newtrali għar-reklutaġġ u ta’ remunerazzjoni.

3.1.5.

L-imsieħba soċjali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jivvalutaw mill-ġdid il-valur tal-ħiliet u tal-okkupazzjonijiet. Id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma strumentali biex jintlaħaq dan l-għan u biex tiġi indirizzata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa.

3.1.6.

Fil-livell Ewropew, id-differenza fil-pagi hija indirizzata wkoll permezz tas-Semestru Ewropew. Fl-2017, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa kienet enfasizzata fir-rapporti tal-pajjiżi ta’ 9 Stati Membri. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jiffokaw fuq l-investiment fil-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u d-diżinċentivi fiskali, kif ukoll fuq miżuri oħra relatati mad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, ġew indirizzati lil 12-il Stat Membru.

3.1.7.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sensibilizzazzjoni ta’ stereotipi li jsiru b’mod awtomatiku u mhux intenzjonat jew lit-tisħiħ tad-differenzi bejn il-pagi fir-reklutaġġ jew il-promozzjoni. L-appoġġ mill-organizzazzjonijiet tan-negozju, flimkien ma’ kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet u l-korpi tal-ugwaljanza biex jinstabu soluzzjonijiet adegwati, huma rilevanti wkoll biex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa.

3.2.   L-edukazzjoni, is-segregazzjoni u l-istereotipi

3.2.1.

Is-segregazzjoni orizzontali persistenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u s-suq tax-xogħol, immexxija minn stereotipi u l-ostakli fis-suq tax-xogħol, jeħtieġ li jiġu indirizzati mit-tfulija bikrija ’l quddiem. Hemm rabta qawwija bejn tali segregazzjoni u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. It-tendenza li ċerti professjonijiet jiġu sottovalutati, inkluż f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija, għandha tiġi enfasizzata b’mod aktar ċar. Paga aħjar u kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar fis-setturi ddominati min-nisa jistgħu jaġixxu bħala inċentiv sabiex aktar irġiel jidħlu għal dawn l-okkupazzjonijiet, u għaldaqstant jgħinu biex tkun indirizzata l-kwistjoni tas-segregazzjoni okkupazzjonali bejn il-ġeneri.

3.2.2.

Minkejja l-livelli ogħla ta’ kisbiet tan-nisa fl-edukazzjoni, in-nisa qed jiffaċċjaw diversi ostakli biex isegwu l-karrieri f’ċerti setturi ddominati mill-irġiel, bħall-ICT. Anke jekk xi tfajliet jagħżlu edukazzjoni fi STEM, huma biss10 % tan-nisa li wara jsegwu karriera f’dawn l-oqsma. Dan jirrikjedi enfasi aktar b’saħħitha fuq l-indirizzar tas-segregazzjoni u tal-istereotipi fl-edukazzjoni u promozzjoni aħjar tas-settur fost in-nisa.

3.2.3.

In-nuqqas ta’ rġiel fis-settur tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali (EHW) qed jassumi proporzjonijiet inkwetanti. Il-KESE jappella li jsiru kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u li jiġu promossi mudelli pożittivi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali sabiex jiġu mħeġġa professjonijiet fl-ICT u STEM fost in-nisa u dawk fl-EHW fost l-irġiel.

3.3.   Servizzi ta’ kura biex jissaħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

3.3.1.

L-ikkombinar tal-ħajja tax-xogħol, dik privata u dik tal-familja huwa waħda mill-isfidi ewlenin għall-ġenituri u dawk b’responsabbiltajiet ta’ indukrar. In-nisa huma affettwati b’mod sproporzjonat peress li dawn ġeneralment jerfgħu r-responsabilità li jieħdu ħsieb qraba dipendenti. Il-kisba ta’ bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata hija sfida speċjalment għal djar b’ġenitur wieħed u għal nies li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli. Il-KESE laqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li żżid il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ġenituri bit-tfal u tgħinhom jiksbu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

3.3.2.

Il-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-ġenituri u persuni oħrajn li jindukraw hija għan importanti għal parteċipazzjoni ugwali fis-suq tax-xogħol (7). It-teħid tal-liv tal-paternità u tal-ġenituri mill-missirijiet huwa ġeneralment baxx u normalment huma jieħdu liv biss meta jitħallsu għalih. Huwa essenzjali li jittieħdu miżuri li jħeġġu lill-irġiel jinvolvu ruħhom aktar fil-ħajja tal-familja, filwaqt li jiġu indirizzati l-ispejjeż possibbli u l-isforzi organizzazzjonali għall-intrapriżi, b’mod speċjali l-intrapriżi żgħar u l-mikrointrapriżi.

3.3.3.

Peress li r-responsabbiltajiet ta’ indukrar huma waħda mir-raġunijiet ewlenin għall-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol, l-objettivi ta’ Barċellona huma ta’ importanza kruċjali, iżda dawn ma ntlaħqux biżżejjed. L-evidenza turi korrelazzjoni pożittiva bejn il-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u r-rata ta’ impjiegi fost in-nisa. Il-KESE jiddispjaċih li waraaktar minn 15-il sena mill-adozzjoni tagħhom, l-objettivi ta’ Barċellona intlaħqu biss minn għadd żgħir ta’ pajjiżi. Il-KESE jappella li possibbilment issir reviżjoni sabiex jiġu stabbiliti miri aktar ambizzjużi bħala inċentiv sabiex titrawwem l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

L-affordabbiltà u l-aċċessibbiltà tal-indukrar tat-tfal u servizzi oħra ta’ kura jibqgħu ta’ sfida, b’mod speċjali għall-familji b’inqas dħul. Għalhekk, huwa importanti li jkun hemm taħlita tajba ta’ faċilitajiet pubbliċi u privati ta’ indukrar ta’ kwalità. Barra minn hekk, is-sigħat ta’ ftuħ tal-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal jibqgħu ostaklu reali għal ġenituri li jaħdmu.

3.3.4.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ħtieġa ta’ faċilitajiet tal-indukrar barra mill-iskola għat-tfal tal-ġenituri li jaħdmu. Dawn għandhom ikunu disponibbli f’pajjiżi fejn il-ġurnata tal-iskola tispiċċa kmieni u l-ġenituri jkollhom it-tendenza li jagħżlu xogħol part-time biex jimlew il-vojt. Għandha tkun disponibbli aktar data sabiex wieħed jifhem l-estent u l-konsegwenzi ta’ din il-problema strutturali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol.

3.3.5.

It-tkabbir tas-settur tal-kura, b’potenzjal tal-impjieg importanti mhux sfruttat, jirrikjedi attenzjoni speċjali, minħabba s-segregazzjoni tas-sessi persistenti u, f’ħafna każijiet, kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena u pagi baxxi. Kif diġà talab il-KESE, hemm ħtieġa li tinġabar data adegwata dwar l-aspetti differenti ta’ sistemi ta’ kura mħallsa u l-preferenzi fl-Ewropa. Dan għandu jinkludi servizzi tal-kura fid-dar li qed jespandu b’ritmu mgħaġġel u l-każ speċifiku ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu (8), li ħafna minnhom jesperjenzaw mobilità intra-UE jew huma migranti minn pajjiżi terzi u jirrappurtaw kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi ħżiena. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tadotta strateġija integrata għas-settur tal-kura.

3.3.6.

Il-KESE japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni għal monitoraġġ aktar mill-qrib tal-indukrar tat-tfal u tal-kura fit-tul, bħala parti mis-Semestru Ewropew u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istati Membri.

3.4.   L-iffinanzjar tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri: il-Qafas Finanzjarju Pluriennali

3.4.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta FSE+ fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027, li għandha l-għan li tappoġġja l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, l-opportunitajiet ugwali u n-nondiskriminazzjoni, u li tippromovi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol permezz ta’ miżuri sabiex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-aċċess għall-indukrar tat-tfal. Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tiegħu dwar l-FSE+ biex tkun appoġġjata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (9).

3.4.2.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-finanzjament tal-UE għandu jkun allokat b’mod li jkun aktar sensittiv għall-ġeneru. Il-KESE jinsab imħasseb li l-fużjoni tal-għanijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, dawk kontra d-diskriminazzjoni u dawk kontra r-razziżmu f’għan wieħed, timmina l-viżibbiltà tagħhom u ċ-ċarezza tal-ammonti allokati lil kull wieħed minnhom. Jeħtieġ jiġi kkunsidrat kif ikun l-aħjar mod biex dan jiġi indirizzat.

3.4.3.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal investiment f’servizzi ta’ kura u faċilitajiet ta’ kwalità għolja, affordabbli u aċċessibbli għal kulħadd. Il-proposta tal-Kummissjoni għall-FSE+ hija pass fid-direzzjoni t-tajba lejn aktar investiment fl-indukrar tat-tfal. Dan l-iffinanzjar għandu jiġi promoss aktar, filwaqt li jibni fuq prattiki tajbin li għandhom jinġabru mill-Kummissjoni.

3.4.4.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-programm InvestEU bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027 u l-prijorità tiegħu li tingħata spinta lill-investimenti fl-infrastruttura soċjali, li jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

3.4.5.

Il-KESE huwa mħasseb li bħalissa m’hemm l-ebda valutazzjoni ta’ kif il-fondi tal-UE ntużaw mill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-forniment ta’ servizzi ta’ indukrar. Dan jeħtieġ li jiġi indirizzat fil-programmi ta’ finanzjament li jmiss, billi jiġu introdotti indikaturi adegwati għall-Istati Membri fil-Fondi Strutturali Ewropej futuri, inkluż l-FSE+, sabiex tiġi mmonitorjata aħjar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għad-diversi servizzi ta’ kura u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

3.5.   Sistemi ta’ taxxa u benefiċċji

3.5.1.

L-evidenza disponibbli tindika li n-nisa spiss jiffaċċjaw diżinċentivi ekonomiċi b’saħħithom meta jidħlu fis-suq tax-xogħol jew meta jkunu jridu jaħdmu aktar: il-mod li bih huma stabbiliti s-sistemi ta’ taxxa u benefiċċji jista’ jservi ta’ deterrent għat-tieni sors ta’ dħul, li spiss huma n-nisa. Il-konsegwenzi diretti ta’ dan huma l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet aktar baxxi jew tal-ebda kontribuzzjoni fis-sistemi tal-pensjonijiet, li sussegwentement jirriżulta f’introjtu mill-pensjoni aktar baxx u saħansitra faqar.

3.5.2.

Is-Semestru Ewropew diġà enfasizza l-ħtieġa li jiġu adattati sistemi ta’ taxxa u benefiċċji sabiex jiġu evitati diżinċentivi b’saħħithom għal dawk li jipprovdu t-tieni sors ta’ dħul li jixtiequ jsibu impjieg jew jaħdmu aktar. Se jkun meħtieġ monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi fl-Istati Membri.

3.6.   L-intraprenditorija fost in-nisa

3.6.1.

L-intraprenditorija tista’ tkun opportunità għall-indipendenza ekonomika tan-nisa b’impjiegi ta’ kwalità, karrieri ta’ suċċess, il-ħruġ tan-nisa mill-faqar u l-esklużjoni soċjali, u li jingħata kontribut għal rappreżentanza aktar bilanċjata bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet. L-intraprenditorija femminili jenħtieġ li tiġi appoġġjata billi jittejbu l-aċċess u l-kwalità ta’ miżuri ta’ protezzjoni soċjali (10) u billi tiġi integrata l-edukazzjoni intraprenditorjali fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.6.2.

Fir-rigward ta’ impjieg indipendenti, in-nisa spiss ikunu ħaddiema awtonomi li jkunu qed jiffaċċjaw riskju ogħla ta’ faqar fost dawk li jaħdmu, filwaqt li aktar irġiel huma fost is-sidien ta’ kumpaniji b’impjegati. In-nisa jiffaċċjaw ukoll ostakli aktar strutturali fir-rigward tal-aċċess għall-finanzi, l-istereotipi u nuqqas ta’ fiduċja. Tali ostakli jeħtieġ li jitneħħew. Investitur informali ta’ mentoraġġ u forom ġodda ta’ finanzjament jistgħu jkunu utli biex jingħelbu l-ostakli. In-netwerks eżistenti fl-organizzazzjonijiet tan-negozju għandhom jiġu promossi u mxerrda b’mod aktar attiv.

3.7.   Ekonomija diġitali

3.7.1.

Il-bidliet fis-suq tax-xogħol, li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni, l-iżviluppi teknoloġiċi u l-bidla demografika jipprovdu perspettivi ġodda kemm għall-impjegati kif ukoll għall-intraprendituri. Is-setturi emerġenti u dawk li qed jikbru (pereżempju l-ICT, l-ekonomija ekoloġika, l-industrija 4.0, il-kummerċ elettroniku) jistgħu joffru ħafna opportunitajiet lin-nisa f’impjiegi li jħallsu tajjeb. Il-KESE enfasizza wkoll il-problema tad-disparità diġitali bejn is-sessi li toħloq firxa ta’ sfidi li jeħtieġ jiġu indirizzati. Ipprovda wkoll rakkomandazzjonijiet biex jingħelbu l-iżbilanċi b’rabta mas-sistemi edukattivi u s-suq tax-xogħol (11).

3.7.2.

Sabiex jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jaħdmu b’fiduċja fl-ekonomija diġitali, hemm il-ħtieġa ta’ aktar ċarezza tal-istatus fil-livell nazzjonali dwar id-drittijiet, l-intitolamenti tas-sigurtà soċjali u l-obbligi kemm fix-xogħol kif ukoll fil-kuntratti B2B. L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-istrateġiji għall-promozzjoni tal-ICT, STEM u karrieri ekoloġiċi għan-nisa u l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tkun integrata fl-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali.

3.8.   Kooperazzjoni msaħħa bejn l-atturi kollha

3.8.1.

Ir-rwol tal-imsieħba soċjali fin-negozjar ta’ ftehimiet kollettivi huwa mezz importanti biex jiġu indirizzati d-diversi dimensjonijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u ta’ paga ugwali fis-swieq tax-xogħol Ewropej. Fil-livell tal-UE, fl-2005, is-sħab soċjali adottaw Qafas ta’ Azzjonijiet dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri segwit minn azzjonijiet konġunti fil-livell nazzjonali sabiex jindirizzaw ir-rwoli tal-ġeneri, jippromovu lin-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet, jappoġġjaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jindirizzaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Fl-2008 huma rrevedew il-ftehim tal-1996 dwar il-liv tal-ġenituri (Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (12)) u fl-2012, żviluppaw sett ta’ għodod għat-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-prattika.

3.8.2.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jikkontribwixxu wkoll b’mod utli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari għal gruppi vulnerabbli.

3.8.3.

Il-KESE jappella għal strateġija mġedda u ambizzjuża fil-livell tal-UE biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-swieq tax-xogħol Ewropej, li għandhom jiġu inkwadrati b’mod koerenti fi ħdan kwalunkwe strateġija Ewropea għall-impjiegi fil-futur, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u d-dimensjoni Ewropea tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44, ĠU C 262, 25.7.2018, p. 101.

(2)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44.

(3)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 20.

(4)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(5)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 12, ĠU C 242, 23.7.2015, p. 9, ĠU C 367, 10.10.2018, p. 20.

(6)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 101.

(7)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44.

(8)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 7.

(9)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-“Fond Soċjali Ewropew+” (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 165).

(10)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45.

(11)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 37.

(12)  ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13.


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE: kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart”

(opinjoni esploratorja)

(2019/C 110/06)

Rapporteur:

Arnaud SCHWARTZ

Konsultazzjoni

Il-Parlament Ewropew, 3.5.2018

Bażi legali:

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

Opinjoni esploratorja

Deċiżjoni tal-Bureau

17.4.2018 (bi stennija tal-konsultazzjoni)

 

 

Sezzjoni responsabbli

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

27.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

117/2/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-għan tar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (Environmental Implementation Review – EIR), li tipprovdi ħarsa ġenerali infurmata lejn is-sitwazzjoni ta’ kull Stat Membru billi tenfasizza n-nuqqasijiet ewlenin tagħhom fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, kif ukoll li tirrakkomanda miżuri korrettivi u tagħti appoġġ lill-Istati Membri li għadhom lura fl-applikazzjoni ta’ din il-liġi, inkluż permezz ta’ għodda ġdida ta’ assistenza teknika bejn il-pari.

1.2.

Madankollu, fl-opinjoni (1) tiegħu dwar dan is-suġġett, skont il-KESE, l-EIR tiżvela li l-implimentazzjoni fqira, frammentata u mhux ekwa tal-leġislazzjoni ambjentali Ewropea hija problema serja f’bosta Stati Membri. Illum bħal fl-imgħoddi, wara l-kawżi profondi ta’ din l-implimentazzjoni fqira identifikati fl-EIR, jidher li hemm nuqqas ta’ rieda politika min-naħa ta’ ħafna gvernijiet tal-Istati Membri biex it-titjib sinifikanti f’din l-implimentazzjoni jsir prijorità u biex jipprovdu biżżejjed riżorsi għal dan il-għan (pereżempju permezz tal-qafas finanzjarju pluriennali – QFP). Il-KESE għalhekk ifakkar li l-implimentazzjoni xierqa tal-acquis ambjentali tal-UE hija fl-interess taċ-ċittadini Ewropej u li din iġġib benefiċċji ekonomiċi u soċjali reali.

1.3.

Bl-istess mod, il-KESE, kif stipulat fl-opinjoni msemmija hawn fuq (2), jafferma mill-ġdid li l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri ta’ protezzjoni ambjentali tiddependi parzjalment mill-għoti ta’ rwol attiv lis-soċjetà ċivili – l-impjegaturi, l-impjegati u rappreżentanti oħra tas-soċjetà. Il-KESE jtenni wkoll it-talba tiegħu għal parteċipazzjoni akbar u strutturata mis-soċjetà ċivili li għandha ssaħħaħ l-EIRs. Għall-KESE, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq il-livell nazzjonali għandhom jingħataw l-opportunità li jikkontribwixxu bl-għarfien espert u bl-informazzjoni speċjalizzata tagħhom għar-rapporti tal-pajjiżi, kif ukoll għad-djalogi strutturati mal-pajjiżi u għas-segwitu tagħhom. Għal din ir-raġuni, il-KESE huwa lest li jiffaċilita d-djalogu tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE fil-qafas ta’ ekonomija tabilħaqq sostenibbli u ċirkolari.

1.4.

Fl-opinjoni tiegħu dwar il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali (3), il-KESE jerġa’ jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqasijiet attwali qed jimminaw il-fiduċja taċ-ċittadini fir-rigward tal-effikaċja tal-leġislazzjoni tal-UE, u għalhekk jerġa’ jtenni s-sejħa tiegħu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimmobilizzaw finanzjament sinifikanti għar-reklutaġġ ta’ persunal addizzjonali, sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-governanza u tal-leġislazzjoni ambjentali.

1.5.

Il-KESE jenfasizza li f’xi każijiet, huma meħtieġa wkoll investimenti ambjentali, is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku jew ktajjen ta’ infurzar b’saħħithom, u li anke jekk l-ispetturi ambjentali diġà jeżistu, l-Ewropa u l-Istati Membri tagħha jeħtieġu wkoll ġurati u prosekuturi speċjalizzati.

1.6.

Il-KESE jfakkar ukoll, kif indika fl-opinjoni (4), li flimkien mal-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri u mill-pubbliku kkonċernat biex jikkomunikaw u jqajmu sensibilizzazzjoni dwar ir-regoli li għandhom jiġu rrispettati, għandhom jittieħdu wkoll miżuri li jagħmlu parti mill-monitoraġġ jew mill-kontroll tal-applikazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni mill-Kummissjoni Ewropea bħala “l-għassiesa tat-Trattati”. Il-pjan ta’ azzjoni (5) jinjora fatturi ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli, bħal pereżempju dawk relatati mal-opportuniżmu jew man-nuqqas ta’ rieda politika. Filwaqt li l-appoġġ tal-Istati Membri huwa meħtieġ, il-KESE qed jagħmilha ċara għal darb’oħra li l-miżuri mhux vinkolanti ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni ma jistgħux ikunu l-unika strateġija biex titjieb il-konformità mal-leġislazzjoni ambjentali.

1.7.

Kemm l-EIR u l-pjan ta’ azzjoni jsegwu ċiklu ta’ sentejn. Il-KESE jenfasizza li għandu jkollu rwol attiv fil-monitoraġġ u l-iżvilupp tal-kontenut tagħhom, sabiex il-leħen tas-soċjetà ċivili jinstema’ fil-proċess kontinwu ta’ titjib tal-politiki ambjentali tal-UE.

1.8.

Barra minn hekk, kif jidher f’diversi ħidmiet tal-Kummissjoni Ewropea, hemm għadd kbir ta’ nuqqasijiet ġejjin minn nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn id-diversi livelli ta’ governanza (nazzjonali, reġjonali u lokali) responsabbli mill-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali, u għaldaqstant il-KESE jistieden ukoll lill-UE biex tintegra lis-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni li għaddejja ta’ din l-implimentazzjoni.

1.9.

Iċ-ċittadini tal-UE jemmnu li l-ħarsien tal-ambjent huwa ta’ importanza kbira. Il-maġġoranza tal-Ewropej jemmnu li l-UE u l-gvernijiet nazzjonali mhumiex qed jagħmlu biżżejjed biex iħarsu l-ambjent. Il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom għalhekk jaħdmu flimkien aktar mill-qrib mal-KESE biex jilħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini. B’mod partikolari, din l-ambizzjoni tista’ tissarraf f’talba lill-KESE għal opinjoni esploratorja dwar il-mod kif is-soċjetà ċivili tista’ tikkontribwixxi aktar għall-iżvilupp u għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE.

1.10.

F’termini immedjati, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni taqsam il-lista tal-EIR tan-nuqqasijiet kollha identifikati għal kull Stat Membru fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE fir-rigward tal-kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart. Il-lista għandha tkun ibbażata parzjalment fuq indikazzjonijiet magħmula lill-Kummissjoni, u fuq konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata. Jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi u sussegwentement tapplika r-rimedji biex jiġu koreġuti dawn in-nuqqasijiet. Safejn jista’ fil-limiti tal-mezzi u l-għarfien espert tiegħu, il-KESE huwa lest li jikkontribwixxi għal din id-definizzjoni u li jieħu sehem fl-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni futura ta’ dawn ir-rimedji.

1.11.

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha mhux biss tipproponi leġislazzjoni, iżda wkoll tiffaċilita u tappoġġja l-implimentazzjoni tal-liġijiet u tagħmel it-testi eżistenti aktar konsistenti ma’ xulxin kif ukoll aktar konformi mal-progress xjentifiku u mal-impenji internazzjonali li jipproteġu s-saħħa pubblika u jirrestawraw il-funzjonament tajjeb tal-ekosistemi. Mingħajr dawn l-ekosistemi, la l-iżvilupp ekonomiku u lanqas il-ġustizzja soċjali m’huma possibbli. B’mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali hija essenzjali għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs) u tpoġġi l-ftehimiet dwar il-klima fil-prattika. Għalhekk, il-KESE qiegħed jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti dwar diversi eżempji ta’ titjib fil-leġislazzjoni ambjentali marbuta mal-kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart f’din l-opinjoni.

1.12.

Fl-aħħar nett, bħall-proposta reċenti għal direttiva dwar il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, jidher ċar li l-livell għoli ta’ aċċettazzjoni tal-miżuri proposti rriżulta minn attivitajiet ta’ informazzjoni u minn kampanji fil-midja dwar it-tniġġis tal-oċeani mill-plastik, li ppermettew li titqajjem sensibilizzazzjoni rigward din il-problema fost iċ-ċittadini. Il-KESE jemmen li l-istess jgħodd għal bosta miżuri oħrajn li jistgħu joffru lir-residenti tal-Unjoni ambjent ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa, adattament għad-disturbi fil-klima u t-tmiem tal-kollass tal-bijodiversità. Il-KESE jerġa’ jafferma f’dan ir-rigward il-ħtieġa tal-parteċipazzjoni impenjata tas-soċjetà ċivili favur l-edukazzjoni tal-popolazzjoni u l-irduppjar mistenni tal-isforzi fis-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini min-naħa tal-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali u lokali, flimkien ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-qasam pubbliku u privat (b’mod partikolari SMEs-SMIs), fir-rigward ta’ dawn l-isfidi ewlenin tas-seklu 21.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ r-rieda ta’ kooperazzjoni li esprima l-Parlament Ewropew (PE) fit-talba tiegħu għal din l-opinjoni esploratorja dwar l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart.

2.2.

L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali Ewropea fl-oqsma tal-kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart tolqot oqsma ta’ interess partikolari għall-protezzjoni tal-ekosistemi; din twitti t-triq għal opportunitajiet ekonomiċi ġodda u għal żviluppi pożittivi għas-saħħa tal-Ewropej. Din l-implimentazzjoni ma tqajjimx biss il-kwistjoni tat-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali – li hija biss l-ewwel pass – iżda tinvolvi wkoll l-istabbiliment tal-awtoritajiet pubbliċi meħtieġa jew id-disponibbiltà tal-mezzi eżistenti f’termini ta’ riżorsi umani, ħiliet u responsabbiltajiet, għarfien espert u mezzi finanzjarji. F’ħafna każi, investimenti ambjentali (pubbliċi u/jew privati) huma meħtieġa (pereżempju, għat-trattament tal-ilma u tal-iskart) u, f’każi oħra, attivitajiet b’impatt ambjentali negattiv jenħtieġ li jiġu rregolati (pereżempju, biex tiġi ppreżervata l-kwalità tal-arja).

2.3.

It-titjib fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE għandha ssir prijorità fl-Istati Membri kollha, u l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għal dawn il-materji għandhom jissaħħu. Bosta opinjonijiet preċedenti tal-KESE diġà setgħu, fl-imgħoddi, jagħmlu rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward, u b’mod aktar wiesa’, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali eżistenti tal-Unjoni fl-oqsma tal-kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart. Għalhekk il-KESE jitlob li ssir referenza għal dawn l-opinjonijiet fir-rigward tal-arja (6), l-ilma (7) jew l-iskart (8).

2.4.

Minbarra dawn l-opinjonijiet dwar suġġetti speċifiċi, xi opinjonijiet tal-KESE b’bażi usa’ għandhom ukoll rakkomandazzjonijiet li jistgħu jkunu rilevanti għal din it-talba. Dawn jinkludu opinjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja (9) jew l-implimentazzjoni attwali tal-leġislazzjoni u l-governanza (10) u l-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi (11), opinjonijiet ta’ natura strateġika (12), u dawk li jimmiraw lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea u li jittrattaw, pereżempju, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (13), il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (14) u l-klima (15).

2.5.

Jidher ċar li hemm bżonn li tiġi implimentata l-liġi eżistenti li tiffaċilita l-istabbiliment ta’ suq uniku li jwassal għal kompetizzjoni ħielsa u mingħajr tagħwiġ u li ħaqqu l-fiduċja taċ-ċittadini, kemm jekk huma produtturi jew konsumaturi – liġi li tista’ twassal għal standards għoljin ta’ kwalità u sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-popolazzjonijiet u l-ambjent tagħhom. Minbarra dan, madankollu, jidher essenzjali li jkun hemm sforz biex jittaffu n-nuqqasijiet tal-leġislazzjoni eżistenti billi jiġi żgurat ukoll li l-UE sistematikament tikseb, f’negozjati kummerċjali bilaterali jew multilaterali, l-ekwivalenza tal-leġislazzjoni soċjali u ambjentali tagħha għall-prodotti importati.

2.6.

F’dan il-kuntest, jenħtieġ li nanalizzaw l-osservazzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet kollha elenkati f’din l-opinjoni esploratorja, mhux bħala riskju iżda bħala opportunità li tiggwida l-attivitajiet tagħna b’mod li jinħolqu benefiċċji kompetittivi jew kooperattivi li jagħtu tifsira u ġejjieni fuq il-livelli ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

2.7.

Fl-aħħar nett, jekk dan jikkonċernax l-arja, l-ilma jew l-iskart, id-disparitajiet bejn l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE għandhom jiġu evitati. Jekk le, dan se jwasal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, inugwaljanzi ambjentali u soċjali jew fruntieri artifiċjali li jxekklu l-ġestjoni tar-riżorsi li huma komuni u, essenzjalment, transkonfinali. Barra minn hekk, sabiex insaħħu l-miżuri kollha eżistenti u futuri, jenħtieġ ukoll li jkollna mezzi ta’ armonizzazzjoni fiskali fir-rigward tat-taxxi fuq l-inkwinanti u r-riżorsi u li nindirizzaw il-ħtieġa li nikkalibraw aħjar l-għodod eżistenti fid-dawl tal-esternalitajiet li jenħtieġ inkopru. Il-politiki ambjentali m’għandhomx jibqgħu jservu bħala element varjabbli ta’ aġġustament iżda jsiru lieva ewlenija ta’ riorjentazzjoni strateġika għall-attivitajiet tal-bniedem, tas-snajja’, tal-agrikoltura u tal-industrija fl-Unjoni u, b’effett ta’ kontaġju pożittiv, jistabbilixxu ruħhom ukoll fir-reġjuni l-oħra fejn jinsabu l-imsieħba tagħha.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni fil-qasam tal-kwalità tal-arja

Flimkien mal-ilma, in-natura u l-iskart, il-kwalità tal-arja hija wieħed mis-setturi bl-ogħla għadd ta’ każijiet ta’ ksur. F’Mejju 2018, il-Kummissjoni intensifikat l-infurzar kontra sitt Stati Membri li kissru r-regoli tal-UE dwar il-kwalità tal-arja, u rreferiethom lill-Qorti tal-Ġustizzja (16). Il-KESE jirrikonoxxi li l-Kummissjoni attwalment qed twettaq Kontroll tal-Idoneità dwar id-direttiva għall-kwalità tal-arja, fejn qed tevalwa r-rendiment tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent (AAQ) fil-perjodu 2008-2018. B’mod partikolari, l-isforzi biex titjieb l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-kwalità tal-arja ta’ barra ser jikkontribwixxu għall-SDG 11 dwar il-bliet sostenibbli.

Sa fejn hija kkonċernata l-kwalità tal-arja, għandna niftakru wkoll li t-tniġġis atmosferiku gġandu effett fuq tliet fergħat:

1.

fuq is-saħħa, sa tali punt li t-tniġġis tal-arja ġewwa u barra għadu fattur ta’ riskju ewlieni fi ħdan l-Unjoni Ewropea (17) u mkejjen oħra. Dan huwa saħansitra riskju prinċipali għas-saħħa u għall-ambjent fuq livell dinji (18) b’6,5 miljun każ ta’ mewt qabel il-waqt fis-sena u bi spiża għolja għas-soċjetà, għas-sistemi tas-saħħa, għall-ekonomija u għal dawk kollha li tintlaqtilhom saħħithom. Fl-Ewropa, l-għadd ta’ mwiet qabel il-waqt huwa stmat li jlaħħaq madwar 400 000 fis-sena skont rapport reċenti mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri rigward it-tniġġis tal-arja, li jinnota li s-saħħa taċ-ċittadini Ewropej għadha mhix protetta biżżejjed u li l-azzjoni tal-UE ma kellhiex l-effetti mistennija.

2.

fuq il-bijodiversità (effetti fuq l-uċuħ tar-raba’, il-foresti, eċċ.);

3.

fuq bini kontemporanju u, naturalment, storiku, li huma konnessi mat-turiżmu.

3.1.1.   L-arja ta’ ġewwa

(a)

Biex tittejjeb il-kwalità tal-arja ta’ ġewwa jenħtieġ li, permezz tat-tikkettjar, ninformaw lill-konsumaturi dwar l-emissjonijiet tal-prodotti mixtrija, bħal pereżempju l-materjali tal-bini u l-prodotti tad-dekorazzjoni, tal-għamara jew il-prodotti tad-dar. Biex isir dan, wara paragun bejn il-liġijiet tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-UE tistabbilixxi qafas koerenti bbażat fuq l-aħjar prattiki attwali.

(b)

Wara l-fażi tal-kostruzzjoni u tal-kunsinna ta’ bini, jenħtieġ li jiddaħħal obbligu ta’ manutenzjoni u ta’ monitoraġġ regolari fuq il-kwalità tal-ventilazzjoni. Dan il-monitoraġġ tal-bini fit-tul se jkollu, naturalment, impatt pożittiv fuq is-saħħa kif ukoll fuq l-enerġija.

(c)

Sabiex jiġu protetti l-popolazzjonijiet fraġli b’sistema respiratorja dgħajfa jew f’fażi ta’ żvilupp, jenħtieġ kwalità ta’ arja aħjar u jenħtieġ ukoll li jiġu implimentati pjani ta’ azzjoni għal dan il-għan fl-istabbilimenti miftuħa għall-pubbliku, speċjalment għat-tfal żgħar.

(d)

Fl-aħħar nett, ikun utli li jiġu armonizzati l-prattiki tal-purifikzzjoni tal-arja. L-Unjoni għandha tagħti definizzjoni tal-kriterji tal-kejl tal-effikaċja u tas-sigurtà tagħha, notevolment sabiex tevita kull deriva kummerċjali jew saħansitra sanitarja, ikkaġunata minn nuqqas relattiv ta’ regoli fil-preżent.

3.1.2.   L-arja ta’ barra

(a)

Għal kwalità aħjar tal-arja u għal aktar fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet Ewropej, jenħtieġ mhux biss li r-regoli attwali jiġu implimentati b’mod aktar serju u li n-nuqqas ta’ konformità magħhom ikun sanzjonat b’mod aktar strett, iżda jenħtieġ ukoll li l-istandards stabbiliti fid-Direttivi tal-UE fl-aħħar jinkludu r-rakkomandazzjonijiet neqsin tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) meta dawn ikunu aktar protettivi għas-saħħa taċ-ċittadini.

(b)

Illum, il-partiċelli PM10 u PM2.5 biss huma mmonitorjati (skala mikrometrika). Madankollu, f’termini ta’ saħħa, xi partiċelli ultrafini (PUF) għandhom effetti ħafna akbar fuq is-saħħa (skala nanometrika), minħabba li dawn jippenetraw ħafna aktar fil-fond fil-ġisem tal-bniedem u jistgħu jakkumulaw fl-organi vitali. Il-leġislazzjoni Ewropea għandha għalhekk tqis din ir-realtà u tipprovdi li dawn il-partiċelli jiġu ssorveljati sabiex il-preżenza tagħhom fl-arja titnaqqas ukoll b’mod gradwali.

(c)

Għandu jsir l-istess fir-rigward tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) u ta’ diversi inkwinanti oħra li mhumiex diġà monitorjati, b’mod partikolari dawk relatati mal-inċineraturi, mat-trasport bid-dgħajjes, mal-vetturi tal-art, mat-tagħmir tal-kostruzzjoni eċċ., speċjalment ladarba issa l-avvanz kontinwu tal-għarfien xjentifiku u tal-kapaċità teknika jagħmluha possibbli li tinkiseb protezzjoni aħjar għas-saħħa u għall-ekosistemi.

(d)

Għal dan il-għan, id-Direttiva dwar il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet (NEC) (19) hija essenzjali għall-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ inkwinanti atmosferiċi. Madankollu, hija tipproponi biss miżuri indikattivi skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà sabiex l-Istati Membri jkunu konformi mal-impenji għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet. Il-flessibbiltà tal-implimentazzjoni li toffri tagħmel dan ir-regolament dgħajjef ħafna.

(e)

Hemm ukoll lok għal titjib fejn id-Direttiva ma tipproponi l-ebda mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan, li huwa sors ta’ tniġġis tal-arja li huwa essenzjali, peress li huwa prekursur tal-ożonu, kif ukoll gass b’effett ta’ serra qawwi ħafna.

(f)

Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni bejn id-diversi regolamenti Ewropej, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) jenħtieġ tintroduċi miri dwar it-tniġġis tal-arja mis-settur agrikolu. Pereżempju, dan tal-aħħar huwa responsabbli minn aktar minn 95 % tal-emissjonijiet tal-ammonju, li huwa inkwinant kopert mid-Direttiva NEC. Sabiex l-Istati Membri jilħqu l-miri ta’ tnaqqis tagħhom, il-PAK għandha tipprovdi għodod adegwati.

(g)

Fl-aħħar nett, jenħtieġ li nfakkru li l-kwantifikazzjoni tal-inkwinanti bħalissa hija bbażata fuq il-piż tagħhom (μg/m3), anke jekk, tul ħafna snin, it-tossikologi enfasizzaw f’laqgħat xjentifiċi li jkun aħjar li jiġi kkwantifikat l-għadd ta’ partiċelli. Dan l-approċċ huwa iktar sinifikanti għaliex jiffoka fuq l-elementi ultrafini li nieħdu man-nifs (20).

3.2.   L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni Ewropa fil-qasam tal-ilma

Fir-rigward tal-ilma, jenħtieġ li nenfasizzaw li filwaqt li d-Direttiva Qafas hija b’mod ġenerali sodisfaċenti, l-implimentazzjoni tagħha għadha dgħajfa u ħafna mill-Istati Membri naqsu milli jistabbilixxu l-istatus ambjentali tajjeb mistenni fl-2015. L-istess jista’ jingħad fir-rigward ta’ Natura 2000, minħabba falliment ġenerali tal-istrument kuntrattwali. Jistgħu jsiru diversi ammeljoramenti u innovazzjonijiet, speċjalment relatati mal-progress xjentifiku fir-rigward tal-funzjonament tal-ħamrija min-naħa u tad-dispersjoni u l-interazzjoni ta’ ċerti inkwinanti min-naħa l-oħra. Dan se jkun analizzat hawn taħt. Il-progress fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE dwar l-ilma jista’ jgħin biex jintlaħqu bosta miri relatati mal-SDG 6 dwar l-ilma nadif u s-sanitazzjoni.

Wieħed mill-oqsma l-aktar kritiċi relatati mal-ilma huwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Mormi Urban, fejn hemm differenzi kbar fil-konformità fost l-Istati Membri, minħabba taħlita ta’ kwistjonijiet relatati mal-governanza u ta’ finanzjament. Għalkemm il-Kummissjoni għamlet sforzi kbar fil-mandat attwali, għadhom jeżistu ħtiġijiet ta’ finanzjament konsiderevoli f’dan il-qasam, kif ukoll problemi relatati mal-governanza li jridu jiġu solvuti. Abbażi tal-esperjenza ppruvata ta’ ġestjoni tal-iskart solidu, għandhom jiġu żviluppati modi ġodda ta’ kif il-produtturi jkunu responsabbli għall-finanzjament tat-trattament supplimentari tal-ilma mormi li jimmira li jaqbad l-inkwinanti emerġenti, bħal farmaċewtiċi u mikroplastiċi.

3.2.1.   Ilma tal-wiċċ

(a)

Biex titjieb is-sitwazzjoni tal-ilma tal-wiċċ, u sabiex jiġu evitati rigressjonijiet fil-liġi u fil-governanza ambjentali, ikun aħjar li jiġu ddefiniti ċerti kunċetti bħal, pereżempju, il-“kontinwità ekoloġika”, il-“korsiji tal-ilma” u l-“art mistagħdra”. Huwa, pereżempju, essenzjali li r-regoli tal-karatterizzazzjoni tal-art mistagħdra jiġu speċifikati fil-livell Ewropew, ladarba nafu li l-uniku approċċ ibbażat fuq l-objettiv tal-protezzjoni huwa kumpless wisq biex jiġi traspost b’mod validu fil-liġi nazzjonali, għall-inqas f’xi Stati Membri.

(b)

Bl-istess mod, ikun utli li jkun hemm qafas unifikat li jippermetti t-twettiq ta’ evalwazzjonijiet li jkunu ċari u kondiviżi mill-partijiet interessati kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-liġi f’dan il-qasam.

(c)

Kemm jekk fir-rigward tan-nanopartiċelli, pereżempju dawk mill-industriji tat-tessuti u minn dawk agroalimentari, u kemm jekk fir-rigward ta’ dawk li jfixklu s-sistema endokrinali, bħal dawk mill-industrija farmaċewtika u mill-agrikoltura, jenħtieġ li jitnaqqas mis-sors it-tixrid tagħhom fl-ambjent u li jiġu stabbiliti limiti li m’għandhomx jinqabżu fl-ilmijiet tal-wiċċ u fl-ilmijiet ta’ taħt l-art fid-dawl tal-impatt tagħhom fuq l-ekosistemi, u speċjalment fuq il-katini alimentari inklużi l-bnedmin. Għal dan il-għan jenħtieġ li jiġu provduti l-mezzi biex jiġu determinati l-limiti b’effett cocktail bejn dawn is-sustanzi, id-diversi sustanzi diġà mmonitorjati u l-prodotti sekondarji tagħhom ta’ degradazzjoni.

3.2.2.   Ilma ta’ taħt l-art

(a)

Fir-rigward tal-leġislazzjoni dwar l-ilma, id-dispożizzjonijiet relatati mal-irkuprar tal-ispejjeż imġarrba mill-kategoriji differenti ta’ utenti, l-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet u t-tariffi konformi mal-ispejjeż – kif definiti bid-Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-politika tal-Komunità fil-qasam tal-ilma (21) – la huma vinkolanti u lanqas speċifiċi biżżejjed biex jipproduċu effett suffiċjenti.

(b)

Mat-tibdil fil-klima, il-formazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art tista’ ssir aktar problematika. Dan għaliex f’xi postijiet il-prattiki urbani jew agrikoli jwasslu għal forma mhux mixtieqa ta’ interruzzjoni fiċ-ċiklu tal-ilma, minħabba ħamrija ssiġillata jew attività bijoloġika dgħajfa wisq li tippromovi l-ilma tax-xeba’, l-erożjoni u t-tajn, aktar milli l-infiltrazzjoni, il-purifikazzjoni u l-ħażna naturali. Sabiex dawn il-fenomeni ma jmorrux għall-agħar, l-Unjoni għandha tadotta regolazzjoni biex tippromwovu l-ħamrija ħajja. Dan ikollu wkoll il-vantaġġ li jindirizza problemi ta’ kwalità u kwantità ta’ ilma disponibbli kemm għall-ekosistemi kif ukoll għall-konsum mill-bniedem, u għal attivitajiet agrikoli u industrijali.

(c)

Minħabba r-rwol tagħhom biex jistimulaw ix-xita mill-evapotraspirazzjoni, kif ukoll għall-iffiltrar, il-purifikazzjoni u l-ħżin tal-ilma fil-ħamrija u fl-ilma tal-pjan, għandha tingħata aktar attenzjoni lill-foresti u l-hedges, kif ukoll, sa ċertu punt, li bwar permanenti u raba’ li jinħarat jitħallew mhux maħruta fuq medda twila ta’ żmien. Dawn għandhom ukoll, fejn fattibbli, ikunu preżenti u jinfirxu madwar l-Ewropa – speċjalment peress li huma wkoll ta’ għajnuna konsiderevoli għal kreaturi ħajjin oħra, inklużi bosta li jipproteġu l-uċuħ tar-raba’, sabiex jieħdu ħsieb lilhom infushom maż-żidiet fit-temperatura u avvenimenti oħrajn ta’ temp estrem li qed isiru dejjem aktar komuni.

3.2.3.   Direttiva li tistabbilixxi qafas għal politika tal-Komunità fil-qasam tal-ilma.

Fil-perspettiva ta’ implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, jenħtieġ li jiġi emendat it-test tad-Direttiva dwar ċerti aspetti msemmija hawn fuq parzjalment, fir-rigward tal-punti li ġejjin:

(a)

L-istatus tal-ilma fil-preambolu “l-ilma mhuwiex prodott kummerċjali bħal kull prodott ieħor,” għandu jiġu mibdul b’“l-ilma mhuwiex prodott kummerċjali.”

(b)

L-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ prevenzjoni u ta’ prekawzjoni meħtieġa, minħabba l-istat tal-ilma fl-Ewropa, biex jitħassru l-eżenzjonijiet kollha, bħal dawk tal-Artikolu 4(5) jew tal-Artikolu 7(4).

(c)

Minħabba l-kundizzjoni tal-ilmijiet, għandha tkun meħtieġa valutazzjoni ambjentali għall-proġetti kollha li jistgħu jaffettwaw l-ilma u l-ambjenti akkwatiċi. Il-“proċedura simplifikata ta’ evalwazzjoni” għandha għalhekk titħassar (Artikolu 16).

(d)

Il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” għandu jiġi rivedut, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri għall-implimentazzjoni tiegħu ma’:

formulazzjoni ġdida tal-Artikolu 9: minflok “L-Istati Membri jridu jikkunsidraw il-prinċipju ta’ rkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma, inklużi l-ispejjeż tal-ambjent u tar-riżorsi, wara li jiġu kkunsidrati l-analiżi ekonomiċi mwettqa skont l-Anness III, u bi qbil partikolarment mal-prinċipju ta’ minn iniġġes iħallas”, għandu jinkteb: “l-Istati Membri jridu japplikaw l-irkuprar tal-ispejjeż diretti u indiretti relatati mal-impatt tal-attivitajiet tal-bniedem fuq l-ilma skont il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas”;

tħassir tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(4);

żieda tas-setturi kollha, li tispeċifika tliet oqsma (l-agrikoltura, l-industrija, id-djar), li għalihom l-Istati Membri jistabbilixxu regoli biex jeliminaw l-esternalizzazzjoni tal-ispejjeż. Rapport annwali li jispeċifika, skont is-settur, il-proċeduri tal-implimentazzjoni ta’ dan il-proċess.

(e)

Il-formulazzjonijiet kollha tat-tip “jiżguraw li” għandhom jiġu sostitwiti wkoll b’obbligu reali (pereżempju l-Artikolu 11, punt 5 jew l-Artikolu 14, l-ewwel subparagrafu).

(f)

Bl-istess mod, jidher li huwa meħtieġ li jitbaxxew il-limiti tal-inkwinanti, inkluż f’kombinazzjoni ma’ direttivi oħra (bħal dawk dwar in-nitrati, il-prodotti kimiċi, eċċ.), u li jiġi aġġornati s-sustanzi prijoritarji (billi jiġu integrati, pereżempju, il-komposti perfluworinati, in-nanoteknoloġiji, eċċ.).

(g)

Jenħtieġ li titjieb il-parteċipazzjoni tal-pubbliku (Artikolu 14), prinċipalment fir-rigward tal-ippjanar. Dan għandu jiġi estiż għal programmi ta’ kejl bażiċi u supplimentari, kif ukoll għall-kontrolli amministrattivi preċedenti kollha.

(h)

Fir-rigward tal-litigazzjoni (Artikolu 23), għandu jingħad ukoll li, skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-Istati għandhom jintroduċu regoli u proċeduri li jippromovu l-aċċess pubbliku għal-litigazzjoni dwar l-ilma.

3.3.   L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE fil-qasam tal-iskart

Il-Valutazzjoni tal-Impatt li fuqha hija bbażata l-leġislazzjoni dwar l-iskart li ġiet adottata reċentement identifikat bosta problemi bl-implimentazzjoni: legali/regolatorji, kif ukoll kwistjonijiet relatati mal-governanza u s-sensibilizzazzjoni. In-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart spiss ikunu dovuti għan-nuqqas ta’ strumenti ekonomiċi, eż. dawk li jagħmlu r-riċiklaġġ aktar attraenti mir-rimi f’landfills. Madankollu, l-istabbiliment ta’ dawn l-istrumenti ekonomiċi jista’ jkun problematiku għall-muniċipalitajiet. L-awtoritajiet lokali spiss ma jkollhomx il-kapaċità li jittrasponu l-miżuri u l-istrumenti tal-UE fil-livell lokali, li jindika problema fil-governanza. L-infurzar huwa problema kbira wkoll f’bosta Stati Membri. Il-KESE jirrikonoxxi li fi snin reċenti l-Kummissjoni ħadmet mal-Istati Membri biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni, pereżempju billi pprovdiet appoġġ tekniku u linji gwida speċifiċi dwar x’jeħtieġ jinbidel permezz taż-żewġ eżerċizzji ta’ promozzjoni tal-konformità li twettqu fl-2012 u fl-2015.

Il-proposti leġislattivi dwar l-iskart li ġew adottati reċentement għandhom isolvu xi wħud mill-problemi bl-implimentazzjoni u jgħinu jikkontribwixxu għall-SDG 12 dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, iżda xorta waħda jridu jiġu indirizzati, fil-livell nazzjonali, xi kwistjonijiet relatati mal-governanza u l-infurzar. Flimkien mal-Kummissjoni, il-KESE waqqaf il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari li diġà kisbet riżultati sinifikanti, tiffaċilita l-ġbir, l-iskambju u d-disseminazzjoni ta’ għarfien espert u prattiki tajba eżistenti fost id-diversi partijiet interessati. Din il-pjattaforma hija għodda ewlenija li jixirqilha li tintuża b’mod aktar mifrux biex tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE f’dan il-qasam.

3.3.1.   Il-prevenzjoni tal-iskart

(a)

Ir-reviżjoni riċenti tal-politika dwar l-iskart (22) hija opportunità biex jingħata appoġġ qawwi lil miżuri li jnaqqsu l-ħtiġijiet tagħna f’ras il-għajn (inkluż it-talba tagħna għal materja prima u materja prima sekondarja), kif ukoll il-ħolqien ta’ skart fil-futur, b’mod partikolari dak perikoluż għall-ekosistemi u għas-saħħa tal-bniedem. Dan ifisser li rridu nħarsu b’mod kritiku lejn il-bżonnijiet tagħna u l-affarijiet li nipproduċu u kif infassluhom, sabiex iservu għal iktar żmien u mbagħad nittrasformawhom bl-inqas telf possibbli f’materjal, u dan ikollu impatt ġenerali fuq l-ambjent, is-sovranità tal-enerġija u s-sostenibbiltà ekonomika.

(b)

Sabiex inkunu nistgħu nitkellmu dwar “materjali sostenibbli” minflok “skart” u dwar ekonomija ċirkolari, jenħtieġ li, sa mit-tfassil tal-produzzjonijiet tagħna, neliminaw il-komponenti li għandhom tossiċità jew perikolożità ta’ natura li tikkomplika fażi futura ta’ riċiklaġġ.

(c)

F’dak li jirrigwarda l-ippakkjar, il-moderazzjoni għandha tipprevali u l-progress ulterjuri għandu jkun kbir kemm jista jkun, gradwali u obbligatorju sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni lejn skemi differenti ta’ użu mill-ġdid u ta’ teħid lura, kemm li jeżistu kif ukoll li għad iridu jiġu żviluppati.

(d)

Il-prevenzjoni tal-iskart tiddependi wkoll mill-kapaċità tal-kumpaniji tagħna li jerġgħu jużaw u jirrimedjaw il-prodotti tagħna. Biex isir dan, hija meħtieġa leġislazzjoni Ewropea ambizzjuża b’miri vinkolanti aktar milli sempliċement miżuri volontarji.

(e)

Sabiex l-iżvilupp ekonomiku jinfired mill-konsum tar-riżorsi naturali u mill-impatti ambjentali li jirriżultaw minnu, jenħtieġ li l-UE tistabbilixxi miri aktar ambizzjużi għaliha nnifisha sabiex iżżid l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fis-sistemi ta’ produzzjoni tagħna.

3.3.2.   Immaniġġjar tal-iskart

(a)

Sabiex tirbaħ u żżomm il-kunfidenza tal-popolazzjoni, tal-produtturi kif ukoll tal-konsumaturi, jenħtieġ li l-ekonomija ċirkolari – filwaqt li tqis b’mod regolari l-aktar għarfien xjentifiku aġġornat – tħares ruħha kontra kull skandlu futur, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa, li jista’ jkun relatat mal-konċentrazzjoni jew mat-tixrid ta’ inkwinanti fil-materjali riċiklati (bromu jew dawk li jfixklu s-sistema endokrinali, pereżempju) jew fl-ambjent (in-nanomaterjali jew il-mikroplastiċi).

(b)

Approċċ bħal dan ikun iktar kredibbli u effettiv jekk, sabiex tittejjeb ir-rata tar-riċiklaġġ tat-tipi kollha ta’ materjali, it-traċċabbiltà tal-komponenti tagħhom tkun ġiet stabbilita sa mill-istadju tal-produzzjoni tagħhom, u jekk tkun iggarantita kemm jista’ jkun it-trasparenza sal-punt li fih dawn jaslu għand il-konsumatur.

(c)

Għalhekk, l-istess livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent għandu japplika għal materjali riċiklati jew materjali verġni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-materjali riċiklabbli m’għandhomx ikomplu jippermettu l-użu ta’ prodotti kimiċi perikolużi f’konċentrazzjonijiet ogħla. Għalhekk, meta tirrestrinġi u tistabbilixxi limiti għal kimiċi taħt ir-Regolament REACH (23), l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għandha tistabbilixxi l-istess limiti għal materjali riċiklati. Il-materjali li ma jissodisfawx dawn il-limiti għandhom jiġu ttrattati b’tali mod li s-sustanza titneħħa jew issir ineliġibbli għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ.

(d)

Lil hinn mill-ekodisinn li għalih l-ismartphones u prodotti elettriċi u elettroniċi oħra għandhom ikunu soġġetti, jenħtieġ li l-Unjoni tiżviluppa u tħaddan ukoll politika serja rigward l-immaniġġjar tal-iskart tagħha fit-territorju tagħha aktar milli tħalli li din tmur lil hinn minnu.

(e)

Huwa ċar mill-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) li l-għażliet ta’ riċiklaġġ kollha huma aħjar mill-inċinerazzjoni (b’mod partikolari minħabba l-enerġija inkorporata, fil-plastik pereżempju) ħlief għal injam f’ċerti każijiet speċjali, u anke għal ċerti prodotti/materjali ta’ skart perikoluż. Din tal-aħħar, bħall-irdim fil-landfills, għandu tispiċċa gradwalment u għandhom jiġu stabbiliti miri ambizzjużi f’din id-direzzjoni.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Opinjoni dwar “L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE” (ĠU C 345, 13.10.2017, p. 114).

(2)  Ara nota Nru 1 f’qiegħ il-paġna.

(3)  Opinjoni dwar l-azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali (ĠU C 283, 10.8.2018, p. 83).

(4)  Ara nota Nru 3 f’qiegħ il-paġna.

(5)  COM(2018) 10 final.

(6)  Opinjoni dwar Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 134) u dwar It-tneħħija għalkollox tal-asbestos mill-UE (ĠU C 251, 31.7.2015, p. 13).

(7)  Opinjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 90); dwar Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna (ĠU C 209, 30.6.2017, p. 60) u opinjoni dwar Il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 107).

(8)  Opinjoni dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi (LdSD) (ĠU C 345, 13.10.2017, p. 110); dwar Alterattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġislazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart (ĠU C 283, 10.08.2018, p. 56); dwar Strateġija Ewropea għall-Plastik f’Ekonomija Ċirkolari (inkluż it-trattament tal-iskart minn vapuri) (ĠU C 283, 10.08.2018, p. 61); dwar Ir-rwol tal-enerġija mill-iskart fl-ekonomija ċirkolari (ĠU C 345, 13.10.2017, p. 102); dwar il-pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98).

(9)  Opinjoni dwar L-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 65).

(10)  Ara n-nota 1 u n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.

(11)  Opinjoni dwar Aġenda għall-Ħiliet Ġodda (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 66).

(12)  Opinjoni dwar It-tranżizzjoni lejn ġejjieni Ewropew aktar sostenibbli (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 44) u dwar Mudelli ekonomiċi sostenibbli ġodda (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 57).

(13)  Opinjoni dwar L-Aġenda 2030 – Unjoni Ewropea impenjata għall-iżvilupp sostenibbli globalment, adottata fl-20 ta’ Ottubru 2016 (ĠU C 34, 2.2.2017, p. 58) u dwar Ir-rwol ewlieni tal-kummerċ u l-investiment għat-tilħiq u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 27).

(14)  Opinjoni dwar Kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD) fi Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-UE (FTA) (ĠU C 227, 28.6.2018, p. 27).

(15)  Opinjoni dwar Il-Protokoll ta’ Pariġi – Pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020 (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 74) u dwar Il-Ġustizzja fil-Klima (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 22).

(16)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-18-3450_mt.htm.

(17)  Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

(18)  Skont il-WHO.

(19)  Direttiva NEC.

(20)  https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0048969711005730?via%3Dihub

(21)  Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

(22)  http://ec.europa.eu/environment/waste/target_review.htm.

(23)  Regolament REACH — Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1 kif emendat fil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3).


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Il-539 Sessjoni Plenarja tal-KESE, 12.12.2018–13.12.2018

22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/41


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Settur Ewropew tal-bejgħ bl-imnut adattat għas-seklu 21”

[COM(2018) 219 final]

(2019/C 110/07)

Relatur:

Ronny LANNOO

Korelatur:

Gerardo LARGHI

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

21.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

171/3/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immodernizzar tas-settur tal-bejgħ bl-imnut. Għal darba oħra, il-Kumitat jenfasizza l-importanza ekonomika u soċjali tas-settur tal-bejgħ bl-imnut għall-partijiet interessati kollha u għas-soċjetà kollha inġenerali (1). Il-KESE jindika li, f’opinjonijiet preċedenti, dan diġà rrakkomanda l-ħolqien ta’ ambjent ekonomiku miftuħ, immirat biex jiżgura kompetizzjoni ġusta, biex jiġġenera l-kondizzjonijiet għall-koeżistenza pożittiva ta’ u kooperazzjoni fost bejjiegħa bl-imnut kbar, medji, żgħar u mikro.

1.2.

Id-difiża u l-promozzjoni tad-diversità fis-settur tal-bejgħ bl-imnut hija kruċjali sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-konsumaturi u sabiex tiġi difiża u promossa s-sistema ta’ produzzjoni Ewropea. Għalhekk, il-KESE jaħseb li jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn il-miżuri favur bejjiegħa bl-imnut kbar, li huma stabbiliti b’mod ċar ħafna fil-komunikazzjoni, u dawk korrispondenti li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ intrapriżi mikro u żgħar.

1.3.

Il-KESE jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni tiffoka wisq fuq il-“prezz” bħala l-aktar element interessanti għall-konsumaturi, għad-detriment ta’ aspetti ewlenin oħra bħall-informazzjoni, il-kwalità u l-personalizzazzjoni tal-prodotti, il-prossimità, il-mobbiltà, l-ekonomija ċirkolari u d-durabbiltà, il-valur għall-flus u s-servizz li wieħed jirċievi qabel jew wara xirja. Id-diversifikazzjoni tal-prodotti għandha tiġi protetta kif xieraq mill-Kummissjoni fl-interessi tal-partijiet kollha.

1.4.

Il-Kumitat jemmen li d-dritt ta’ stabbiliment għandu jiġi indirizzat skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u li l-aħjar mod ta’ kif jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati kollha involuti huwa billi jintlaħaq ftehim fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

1.5.

B’mod partikolari, il-KESE jemmen li xi ostakoli għal-libertà tal-istabbiliment u xi restrizzjonijiet operattivi, kif huma preżenti attwalment f’xi Stati Membri, jaġixxu bħala ostakolu għall-istabbiliment ’ intrapriżi ġodda, iżda li l-liberalizzazzjoni sħiħa ma tiżgurax il-bilanċ meħtieġ bejn kumpaniji kbar, negozji żgħar u negozji tal-familja.

1.6.

Il-KESE jqis li regolamenti nazzjonali dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet u l-ħinijiet tax-xogħol huma kruċjali, biex jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fost negozji ta’ daqs differenti u fuq kollox biex jiggarantixxu protezzjoni soċjali adegwata kemm għal nies impjegati kif ukoll ħaddiema għal rashom, filwaqt li jitqies ukoll it-tibdil fid-drawwiet tal-konsumatur.

1.7.

Il-KESE jtenni li l-ilħuq ta’ ftehim fil-livell nazzjonali jew subnazzjonali huwa l-aħjar mod ta’ kif għandhom jiġu stabbiliti l-ħinijiet u l-ġranet tal-ftuħ, sabiex jiġu rrikonċiljati l-ħtiġijiet tal-konsumaturi li jkollhom aċċess għal prodotti u servizzi partikolari u x-xewqa ta’ xi negozji li jiftħu l-Ħdud u fil-festi, filwaqt li jiġi żgurat ukoll bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja għall-intraprendituri u l-impjegati, u billi jiġi pprovdut ħin barrani għat-taħriġ.

1.8.

Il-KESE jindika wkoll, f’konformità mal-Pilastru Soċjali, il-ħtieġa li jiġu ggarantiti rimunerazzjoni ġusta u kwalità tax-xogħol għall-ħaddiema kollha fis-settur, sew online kif ukoll offline. Dan jiġbed attenzjoni, b’mod partikolari, għall-każ tal-kuntratti tax-xogħol ta’ eluf ta’ dawk li jaħdmu għal negozji online li għadhom mhumiex koperti minn negozjar kollettiv, kif ukoll għall-kuntratti fil-bejjiegħa bl-imnut kbar li huma maħsuba biss biex jaqdu numru akbar ta’ konsumaturi li jżuru l-ħanut fi tmiem il-ġimgħa (li jirriżulta f’żieda fil-kuntratti każwali) jew li ma jgħoddux tmiem il-ġimgħa jew l-iljieli bħala sahra. Finalment, fil-fehma tal-KESE, il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ djalogu soċjali effettiv li jinvolvi wkoll intrapriżi żgħar u mikro jagħti lin-negozji opportunitajiet ta’ żvilupp aħjar u lill-ħaddiema sistema aħjar ta’ salvagwardji.

1.9.

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tiġi mħeġġa u appoġġjata l-innovazzjoni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, fit-tagħlim tul il-ħajja għall-impjegaturi u l-ħaddiema u fil-promozzjoni tal-prodotti fit-tul. Madankollu, dan jaħseb li, flimkien mal-proposta tal-Kummissjoni, għandu jkun hemm pjan direzzjonali biex jakkumpanja dan il-proċess fil-kuntest tat-tranżizzjoni diġitali, b’finanzjament xieraq u attenzjoni partikolari lil intrapriżi żgħar u mikro f’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs.

1.10.

Il-KESE jistieden lill-awtoritajiet fil-livelli kollha biex jinvolvu ruħhom f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha bil-ħsieb li jitfassal pjan ta’ azzjoni speċifiku dwar il-futur tas-settur tal-bejgħ bl-imnut Ewropej fis-seklu 21 (jiġifieri informazzjoni, taħriġ, finanzjament u prattiki tajba, eċċ.)

2.   Kontenut essenzjali tad-dokument tal-Kummissjoni

2.1.

Il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tikkontribwixxi biex toħroġ il-potenzjal tas-settur tal-bejgħ bl-imnut għall-ekonomija tal-UE billi tidentifika l-aħjar prattiki. Għalhekk huma meħtieġa sforzi min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri biex tiġi appoġġjata l-kompetittività tas-settur fi żmien meta dan qiegħed jinbidel mit-tkabbir mgħaġġel tal-kummerċ elettroniku u mit-trasformazzjoni tad-drawwiet tal-konsumatur.

2.2.

Sabiex is-Suq Uniku jwassal riżultati, għandha tittieħed azzjoni xierqa fil-livelli kollha. Il-produttività tas-settur tal-bejgħ bl-imnut tal-UE ma kinitx daqshekk tajba daqs ta’ setturi oħra. Dan minħabba l-akkumulazzjoni ta’ regolamenti tat-taxxa fil-livelli kollha u minħabba dewmien fit-tranżizzjoni għas-suq diġitali.

2.3.

Il-bejjiegħa bl-imnut jaffaċċjaw bosta restrizzjonijiet fir-rigward tal-istabbiliment tal-ħwienet u l-operazzjonijiet. Ħafna minn dawn ir-restrizzjonijiet jiġu ġġustifikati minn raġunijiet ta’ politika pubblika leġittima. Dawn jistgħu joħolqu wkoll ostakoli għal negozji ġodda u għall-produttività.

2.4.

Il-ftuħ ta’ ħwienet kummerċjali ġodda huwa element kruċjali għall-vijabilità tas-settur. Huwa importanti li jkunu jistgħu jiġu segwiti strateġiji fir-rigward tal-aċċess għas-suq li jikkombinaw preżenza online u offline. Proċeduri ta’ stabbiliment sempliċi, trasparenti u effiċjenti joffru opportunitajiet għas-settur tal-bejgħ bl-imnut sabiex titjieb il-produttività tiegħu.

2.5.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jivvalutaw u jimmodernizzaw, jekk meħtieġ, l-oqfsa regolatorji tagħhom, billi jispiraw ruħhom, fejn ikun rilevanti, mill-aħjar prattiki li diġà ġew żviluppati fi Stati Membri oħra.

2.6.

Ir-restrizzjonijiet operattivi normalment jaffettwaw l-aktar bejjiegħa bl-imnut tradizzjonali. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jivvalutaw il-bilanċ, il-proporzjonalità u l-effiċjenza ta’ restrizzjonijiet bħal dawn sabiex jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bil-kummerċ elettroniku.

2.7.

L-ispiża tal-konformità hija bejn 0,4 % u 6 % tal-fatturat annwali tal-bejjiegħa bl-imnut. Għal kumpaniji mikro, dan huwa partikolarment piż tqil. It-trawwim tal-iżvilupp tas-settur tal-bejgħ bl-imnut għall-benefiċċju aħħari tal-konsumaturi jeħtieġ approċċ wiesa’: is-simplifikazzjoni ta’ oqfsa regolatorji, l-iżgurar li dawn huma xierqa għal ambjent b’ħafna kanali kif ukoll it-tnaqqis tal-miżuri u proċeduri ta’ piż eċċessiv u li jiswew il-flus imposti fuq bejjiegħa bl-imnut sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawn ir-regoli.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-isforz li għamlet il-Kummissjoni biex jiġi mmodernizzat is-settur tal-bejgħ bl-imnut sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ġodda relatati mad-diġitalizzazzjoni u l-kummerċ elettroniku.

3.2.

Fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu, partikolarment INT/682 dwar Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-bejgħ bl-imnut (2), il-Kumitat kien diġà rrakkomanda l-ħolqien ta’ ambjent ekonomiku miftuħ immirat lejn il-garanzija ta’ kompetizzjoni ġusta bejn entitajiet tal-istess daqs. B’mod partikolari, l-UE għandha toħloq il-kondizzjonijiet għad-diversità, għall-koeżistenza pożittiva u għall-kooperazzjoni fost bejjiegħa bl-imnut kbar, medji, żgħar u mikro f’ambjent online jew offline. Il-promozzjoni tad-diversità fil-bejgħ bl-imnut tal-UE hija mod tajjeb ħafna ta’ kif twieġeb għall-bosta ħtiġijiet tal-konsumaturi, iżda wkoll kif tiddefendi u tippromovi s-sistema ta’ produzzjoni Ewropea.

3.3.

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni tiffoka wisq fuq il-“prezz” bħala l-aktar element interessanti għall-konsumaturi filwaqt li l-għan ewlieni għandu jkun li tiġi pprovduta informazzjoni eżatta għall-konsumaturi (għarfien tal-konsumatur). Il-konsumaturi għandhom iħossuhom liberi li jqisu elementi oħrajn meta jixtru prodott, bħal pereżempju l-kwalità tiegħu, il-personalizzazzjoni, id-durabbiltà, il-mobilità tal-konsumaturi, il-prossimità, il-valur għall-flus, is-servizz ipprovdut matul jew wara x-xiri, l-impatt fuq l-ekonomija ċirkolari, u kriterji ambjentali. Id-diversifikazzjoni tal-prodotti tirrappreżenta valur miżjud għas-setturi produttivi u tal-bejgħ bl-imnut tal-UE u għandha tiġi protetta kif xieraq mill-Kummissjoni (3).

3.4.

Il-KESE jqis l-approċċ tal-Kummissjoni bi preġudizzju favur bejjiegħa bl-imnut kbar u jaħseb li huwa importanti li dan jiġi bbilanċjat mal-ħtiġijiet ta’ intrapriżi żgħar u mikro. B’mod partikolari, il-Kumitat jemmen li jeħtieġ li tiġi ggarantita koeżistenza ta’ kumpaniji kbar u negozji mikro u mmexxijin mill-familji.

3.5.

Il-KESE jaqbel li xi restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ stabbiliment u restrizzjonijiet operattivi implimentati f’xi Stati Membri jistgħu jaġixxu bħala ostakolu għall-istabbiliment ta’ intrapriżi ġodda u t-tkabbir tagħhom. Madankollu, dan jaħseb li liberalizzazzjoni sħiħa tad-dritt ta’ stabbiliment mhijiex rimedju. Barra minn hekk, b’rabta ma’ dan, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà għandu jiġi rrispettat u għandu jintlaħaq ftehim fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jinstab rispons xieraq għall-ħtiġijiet lokali u għal dawk tal-partijiet ikkonċernati kollha.

3.6.

Il-KESE ma jaqbilx mal-qari negattiv mill-Kummissjoni tas-sentenza Visser. Għall-KESE, dan il-każ jikkonferma l-iskop tal-leġislatur fir-rigward tad-Direttiva dwar is-Servizzi: dan jikkodifika l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-libertà tal-istabbiliment u jipprojbixxi biss ċerti rekwiżiti, bħal ittestjar tal-ħtiġijiet ekonomiċi, filwaqt li jirrikonoxxi li “[l-]għan ta’ protezzjoni tal-ambjent urban jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ natura li jiġġustifika limitu territorjali”. Huwa importanti li jinstab bilanċ bejn dawn il-bżonnijiet skont il-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà.

3.7.

B’rabta ma’ dan, jista’ jsir ħafna fil-proċess biex toħloq suq Ewropew uniku, biex tissemplifika l-proċeduri għall-ftuħ tan-negozji u biex tagħmel dawn il-proċeduri trasparenti u uniformi, filwaqt li tirrispetta l-limiti eżistenti leġittimi fuq skala territorjali stabbiliti f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

3.8.

Il-KESE jqis li huwa importanti ħafna li xi ambjenti ekonomiċi speċifiċi jinżammu u jiġu protetti, b’mod partikolari meta dawn ikunu marbutin mal-konservazzjoni ta’ wirt storiku u artistiku nazzjonali, mal-objettivi tal-politika soċjali u mal-objettivi tal-politika kulturali; approċċ differenti jista’ jħalli impatt ta’ tfixkil għall-komunitajiet lokali u l-konsumaturi (4).

3.9.

B’mod globali, il-KESE jemmen li l-espansjoni transkonfinali, l-iskalar u l-kummerċ elettroniku għandhom jidhru bħala għażla serja, u l-intrapriżi f’koordinazzjoni mal-organizzazzjonijiet tagħhom għandhom jiġu appoġġjati f’dan il-proċess, iżda dan ma jistax jitqies bħala obbligu jew l-uniku mod kif l-intrapriżi kollha jistgħu jikbru, f’konformità mal-interess primarju tal-konsumaturi (distribuzzjoni u servizz b’ħafna kanali). Din hija r-raġuni għaliex huwa essenzjali li jitħeġġu u jinżammu l-proċessi ta’ innovazzjoni, it-taħriġ u l-promozzjoni tal-prodotti fit-tul, inkluż appoġġ tal-intrapriżi żgħar u mikro u l-organizzazzjonijiet tagħhom li jirrappreżentawhom b’finanzjament xieraq.

3.10.

Politika effiċjenti dwar il-bejgħ bl-imnut jeħtieġ li ssib bilanċ bejn il-qligħ u l-effiċjenza fir-rigward tal-pożizzjoni ġeografika. Għandhom jiġu kkunsidrati kunsiderazzjonijiet ta’ perjodu twil (medju) speċjalment fir-rigward ta’ stabbilimenti tradizzjonali u r-relazzjoni tagħhom ma’ żviluppi eżistenti u futuri possibbli (abitazzjoni, servizzi disponibbli, eċċ. u għalhekk ma’ ċentri tal-bliet u viċinati eżistenti). Il-KESE jqis li l-Kummissjoni għandha tlesti l-proposta tagħha, f’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet nazzjonali u reġjonali rilevanti, billi tintroduċi miżuri strutturali bl-għan li tinkorpora fatturi ta’ żvilupp territorjali għal komunitajiet lokali u ċentri tal-bliet (żoni turistiċi, ippjanar spazjali lokali, regolamenti tal-bini, kondizzjonijiet, eċċ.).

3.11.

Il-KESE jqis li regolamenti nazzjonali dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet u l-ħinijiet tax-xogħol, skont soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda, għandhom rwol kruċjali biex jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fost negozji ta’ daqs differenti u biex jiggarantixxu protezzjoni soċjali adegwata kemm għal nies impjegati kif ukoll ħaddiema għal rashom u fuq kollox, huma għodda kruċjali għall-protezzjoni soċjali ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u impjegati.

3.12.

Il-KESE jtenni li l-aħjar mod ta’ kif jiġu stabbiliti l-ħinijiet u l-jiem tal-ftuħ huwa billi jintlaħaq ftehim fil-livell nazzjonali jew subnazzjonali. Fil-fatt, huwa importanti ħafna, li jiġu rrikonċiljati l-ħtiġijiet tal-konsumaturi biex ikollhom aċċess għal prodotti u servizzi partikolari u x-xewqa ta’ xi kumpaniji li jiftħu fil-festi u filgħaxijiet, u biex jiġu protetti l-ħtiġijiet ta’ serħan ta’ sidien ta’ mikrointrapriżi u l-impjegati tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat ukoll bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, u billi jiġi pprovdut ħin barrani għat-taħriġ.

3.13.

Il-KESE jindika wkoll, f’konformità mal-Pilastru Soċjali, il-ħtieġa li jiġu ggarantiti rimunerazzjoni ġusta u kwalità tax-xogħol għall-ħaddiema kollha fis-settur, sew online kif ukoll offline. Dan jiġbed attenzjoni, b’mod partikolari, għall-każ tal-kuntratti tax-xogħol ta’ eluf ta’ dawk li jaħdmu għal negozji online li għadhom mhumiex koperti minn negozjar kollettiv, kif ukoll għall-kuntratti fil-bejjiegħa bl-imnut kbar li huma maħsuba biss biex jaqdu numru akbar ta’ konsumaturi li jżuru l-ħanut fi tmiem il-ġimgħa (li jirriżulta f’żieda fil-kuntratti każwali) jew li ma jgħoddux tmiem il-ġimgħa jew l-iljieli bħala sahra. Finalment, fil-fehma tal-KESE, il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ djalogu soċjali effettiv li jinvolvi wkoll intrapriżi żgħar u mikro jagħti lin-negozji opportunitajiet ta’ żvilupp aħjar u lill-ħaddiema sistema aħjar ta’ salvagwardji.

3.14.

Il-KESE jilqa’ r-rakkomandazzjoni li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiffaċilitaw l-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali min-naħa tal-intrapriżi żgħar. Madankollu, din ma tistax tkun l-unika għażla. Il-ħwienet tradizzjonali għadhom element kruċjali mhux biss tat-tkabbir fl-UE iżda wkoll fir-rigward tal-koeżjoni soċjali b’mod partikolari fil-komunitajiet lokali u għal konsumaturi diġitali mhux nattivi. Għal din ir-raġuni, il-kummerċ online u offline għandu jkun f’koeżistenza. B’rabta ma’ dan, il-KESE huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni ma tivvalutax biżżejjed id-diffikultajiet li jaffaċċjaw l-intrapriżi żgħar u mikro meta jiġu biex jieħdu sehem fi u jipprofittaw mill-kummerċ elettroniku.

3.15.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa għal taħriġ ta’ kwalità għall-impjegaturi li jridu jinvolvu ruħhom fil-kummerċ elettroniku. Madankollu, il-Kumitat iqis li s-sitwazzjoni hija aktar kumplessa u l-SMEs, b’mod speċjali l-intrapriżi żgħar u mikro, jaffaċċjaw bosta sfidi, bħal: a) il-bidla u l-adattament tal-organizzazzjoni interna tagħhom; b) l-għarfien ta’ lingwi barranin; c) il-kisba u l-fehim ta’ informazzjoni legali u amministrattiva; d) l-istabbiliment ta’ sistema ta’ għoti ta’ riżultati effiċjenti u kompetittiva; e) li jingħeleb id-dumping fiskali u soċjali fil-livell tal-UE (frodi tal-VAT, falsifikazzjoni, eċċ.). Għal din ir-raġuni, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw lill-SMEs u ‘l-organizzazzjonijiet tagħhom fit-tranżizzjoni tagħhom lejn il-kummerċ elettroniku, b’approċċ wiesgħa li jqis il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-ħolqien ta’ intrapriżi online li jirnexxu.

3.16.

Il-KESE jqis li l-kummerċ elettroniku jista’ jkun għażla sinifikanti għal bosta SMEs. Barra minn hekk, il-Kumitat jindika li riċentement il-Kummissjoni għadha kemm ippubblikat l-ewwel proposta mmirata lejn ir-regolamentazzjoni ta’ relazzjonijiet ta’ pjattaforma-għal-negozju fis-suq diġitali. Din il-miżura hija ffukata fuq it-trasparenza iżda ma tindirizzax xi prattiki abużivi frekwenti li jimpedixxu l-kompetizjoni ġusta (eż. klawżoli ta’ parità fil-prezzijiet, dumping fiskali, varjazzjoni fit-tassazzjoni, eċċ.) bejn utenti kummerċjali u pjattaformi online kbar (5). Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni toħloq kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fir-rigward tal-kompetizzjoni ġusta fis-suq diġitali.

3.17.

Fl-fehma tal-KESE, huma meħtieġa diversi miżuri biex jiġu pprovduti l-kondizzjonijiet meħtieġa għas-settur tal-bejgħ bl-imnut, u b’mod partikolari, l-SMEs u l-mikrointrapriżi bħala l-kreaturi tal-ogħla nett ta’ impjiegi, biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ qbil fil-ħiliet: tissaħħaħ l-identifikazzjoni u l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet, inkluż gwida; jitijiebu r-riżultati tal-edukazzjoni u tat-taħriġ skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, inkluż promozzjoni tal-ETV; jitjiebu l-kondizzjonijiet qafas sabiex jaqblu aktar mal-provvista u mad-domanda; jiġi pprovdut appoġġ aħjar għall-ħtiġijiet tat-taħriġ tal-SMEs u tal-mikrointrapriżi.

3.18.

Il-KESE jilqa’ l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ispiża tal-konformità speċjalment għal intrapriżi żgħar, kif ukoll il-fatt li tenfasizza n-nuqqas ta’ għarfien tal-ispeċifiċitajiet tas-settur.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-problema li qiegħda tikber tad-deżertifikazzjoni taċ-ċentri tal-bliet u l-konsegwenzi soċjali u ambjentali ta’ dan. Kemm ikunu abitabbli l-bliet kbar u żgħar jiddependi b’mod partikolari fuq is-sopravivenza ta’ bosta intrapriżi żgħar u mikro (ħwienet lokali) li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ bosta konsumaturi iżda jirriskjaw li jiġu eliminati minħabba l-konċentrazzjoni dejjem tikber ta’ gruppi kbar ta’ bejgħ bl-imnut.

4.2.

Il-KESE jiddispjaċih min-nuqqas ta’ referenza għal settur ta’ bejgħ bl-imnut sostenibbli u r-rwol li jista’ jkollhom il-bejjiegħa bl-imnut żgħar u mikro f’dan il-proċess. Madankollu, huwa meħtieġ qafas aktar favorevoli biex jagħmilhom konxji tar-rabta bejn għażliet sostenibbli u kompetittività u biex jipprovdilhom informazzjoni mfassla apposta u assistenza teknika, kif ukoll l-iskemi ta’ kreditu meħtieġa biex jiġi implimentat x’jista’ jitjieb. Minħabba l-pożizzjoni dgħajfa li għandhom f’termini ta’ influwenza tal-konsumaturi u produtturi, bejjiegħa bl-imnut żgħar u mikro m’għandux ikollhom għażliet imposti fuqhom.

4.3.

Fil-Komunikazzjoni, ma tingħata l-ebda attenzjoni għall-frizzjonijiet li jeżistu fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-intrapriżi, eż. kuntratti ta’ frankiġja żbilanċjati, dewmien fil-pagamenti u prattiki kummerċjali inġusti. B’mod partikolari, il-konċentrazzjoni ta’ setgħa li qiegħda tikber fost il-bejjiegħa bl-imnut kbar fl-Ewropa toħloq sfidi serji (6). Sabiex tiġi indirizzata l-kompetizzjoni distorsiva u sabiex jibqgħu kompetittivi, dawn iż-żewġ kwistjonijiet kellhom jiġu indirizzati fil-Komunikazzjoni.

4.4.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, kif diġà ġie enfasizza fl-Opinjoni dwar “Patt Ġdid għall-konsumaturi”, id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ sistema efffikaċi ta’ soluzzjoni tat-tilwim, li tkun tippermetti li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn abbuż ta’ poter ekonomiku u minn prattiki li jfixklu l-kompetizzjoni.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Il-fatturat fl-2016: EUR 9 864 468,4 miljuni; numru ta’ intrapriżi (fl-2015): 6 205 080; valur tal-produzzjoni (fl-2015): EUR 2 687 115 miljuni. Fl-2016, 33 399 447 persuna kellhom impjieg f’dan is-settur li minnhom 27 892 082 kienu impjegati.

(2)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 20.

(3)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 165.

(4)  Ara n-nota 2 ta’ qiegħ il-paġna.

(5)  ĠU C 440, 6.126.2018, p. 177.

(6)  Ara n-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna.


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/46


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport tal-2017 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni”

[COM(2018) 482 final]

(2019/C 110/08)

Relatur:

Baiba MILTOVIČA

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 5.9.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

21.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

188/1/9

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-istil konċiż u l-enfasi tar-Rapport tal-2017 li huwa appoġġjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal estensiv. Politika tal-kompetizzjoni effettiva u infurzata hija l-bażi ta’ ekonomija tas-suq sostenibbli. Hija tista’ tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-produtturi ta’ beni u servizzi, tassigura lill-konsumaturi, tistimula l-kompetizzjoni u twassal objettivi soċjali fundamentali, bħal-libertà tal-għażla tal-konsumaturi, kif ukoll objettivi politiċi, bħall-benesseri taċ-ċittadini Ewropej u l-promozzjoni tal-integrazzjoni tas-suq Ewropew. Din taqdi rwol importanti wkoll fir-rigward ta’ pajjiżi terzi filwaqt li tappoġġja dinamika kummerċjali, ambjentali u soċjali pożittiva fil-kummerċ internazzjonali.

1.2.

Ir-rapport tal-2017 jenfasizza bil-qawwa l-konformità u l-infurzar, u jipprovdi eżempji ta’ miżuri qawwija li ttieħdu mill-Kummissjoni. Il-konsumaturi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju spiss jitqiegħdu fi żvantaġġ fil-konfront ta’ kumpaniji kbar li possibbilment jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fis-suq, u għalhekk il-miżuri li jindirizzaw prattiki antikompetittivi jintlaqgħu partikolarment tajjeb.

1.3.

It-tkabbir tal-attività antikompetittiva fis-swieq tal-UE wassal għall-iżvilupp kostanti tal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni (NCAs) bħala infurzaturi importanti tad-dritt tal-kompetizzjoni. Id-Direttiva NEK+, li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-NCAs sabiex ikunu aktar effettivi, issaħħaħ il-kapaċità nazzjonali f’dan il-qasam.

1.4.

It-tisħiħ tal-awtonomija tal-NCAs u l-forniment ta’ riżorsi adegwati huma vitali. Indipendenza ġenwina, għarfien espert u taħriġ huma kollha meħtieġa għal ħidma effettiva, u d-Direttiva NEK+ għandha tiġi mmonitorjata mill-qrib biex jiġi żgurat li dan jinkiseb. Għandha titħeġġeġ azzjoni preventiva biex tiġi evitata mġiba antikompetittiva, u għandhom jiżdiedu l-penali sabiex dawn ikunu deterrent effettiv.

1.5.

Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fil-qasam tal-infurzar legali privat tar-regoli tal-kompetizzjoni u jargumenta li l-azzjonijiet kollettivi għandhom ikunu ffaċilitati mis-sistemi legali tal-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni għandha tkompli timmonitorja l-effettività tal-mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fid-diversi Stati Membri u tieħu azzjoni addizzjonali jekk meħtieġ. F’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi, inkluża fil-proposta għal Patt Ġdid għall-Konsumaturi, hija diżappuntanti.

1.6.

Għandhom jiġu kkunsidrati proposti oħra dwar il-frankiġja, sabiex jiġu inklużi fir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija (1) ħalli jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ kummerċjali u kuntrattwali bejn il-konċessjonarji u l-franchisor.

1.7.

Fejn hemm attivitajiet parakummerċjali sinifikanti mwettqa mill-awtoritajiet lokali, li jistgħu jibbenefikaw minn sussidju pubbliku li jippermetti kompetizzjoni inġusta, għandhom jiġu studjati biex jiġi ddeterminat jekk huwiex meħtieġ adattament tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jew ta’ strumenti oħra.

1.8.

Rigward id-Direttiva dwar l-Informaturi, huwa rrakkomandat li fit-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tagħha, il-liġi nazzjonali għandha tafferma li l-informaturi jkollhom aċċess għar-rappreżentanti tat-trejdjunjins f’kull ħin, u li l-informaturi jingħataw protezzjoni sħiħa fi kwalunkwe ċirkustanza.

1.9.

Fejn applikabbli għall-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni, qed ikun issuġġerit li analiżi ddettaljata mill-Kummissjoni tal-prattiki tar-regolaturi tal-enerġija fl-Istati Membri, flimkien ma’ CEER u ma’ ACER, tista’ tidentifika azzjonijiet li jistgħu jeliminaw prattiki restrittivi li jkomplu jkunu ta’ detriment għall-konsumaturi.

1.10.

Reviżjoni ġdida tal-funzjonament tal-katina ta’ distribuzzjoni tal-ikel f’rapporti dwar il-politika tal-kompetizzjoni fil-futur tista’ tidentifika u tipproponi rimedji għall-eżerċitar kontinwu tas-saħħa fis-suq minn bejjiegħa bl-imnut dominanti, li jista’ ma jkunx xieraq.

1.11.

Hemm firxa ta’ prattiki antikompetittivi eżistenti u li qegħdin jinħolqu kontinwament fi ħdan l-ekonomija diġitali. Il-Kumitat jinsab imħasseb li ma jiġux applikati riżorsi adegwati għall-monitoraġġ ta’ dan is-settur li qed jiżviluppa malajr u li huwa finanzjarjament vibranti u jappella għal dispożizzjoni speċifika li tagħmel dan fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

1.12.

Hemm għadd ta’ fatturi li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni immedjat tal-politika tal-kompetizzjoni, li iżda jqajmu tħassib dwar id-distorsjonijiet tas-suq: varjazzjonijiet kbar fil-politika tat-tassazzjoni korporattiva bejn l-Istati Membri, prattiki tal-impjiegi kollettivament magħrufa bħala dumping soċjali, prattiki li jirriżultaw fl-ekonomija tal-gigs u kwistjonijiet relatati mal-ekonomija ċirkolari u s-sostenibbiltà ekonomika globali. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tapplika s-setgħat u l-kapaċità kollha tagħha sabiex tiżgura li dawk iż-żoni griżi fejn teżisti l-imġiba antikompetittiva, fejn possibbli, ikunu mmonitorjati, ċċarati u rrimedjati.

1.13.

Id-dritt tal-kompetizzjoni huwa wieħed mill-eqdem partijiet tal-acquis iżda mhux dejjem huwa proporzjonat mal-isfidi ta’ dan is-seklu. B’mod partikolari, is-separazzjoni artifiċjali tal-isferi tas-suq u dawk soċjoambjentali jibbenefikaw minn reviżjoni komprensiva u sistematika tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-objettivi ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

2.   Kontenut tar-Rapport tal-2017 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni

2.1.

Il-politika tal-kompetizzjoni hija l-bażi tas-Suq Uniku, u ilha stabbilita sa mit-Trattat ta’ Ruma u hija l-pedament tal-Unjoni Ewropea tal-lum. Hija ġiet stabbilita fi ħdan qafas minqux f’dispożizzjonijiet bħall-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE, li jiċċaraw is-sustanza u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

2.2.

Fl-2017, ittieħdu azzjonijiet speċifiċi f’oqsma ewlenin għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tal-industrija Ewropea: l-ekonomija diġitali, l-enerġija, is-setturi tal-farmaċewtika u dak agrokimiku, l-industriji li jużaw netwerk u s-swieq finanzjarji. Dan is-sommarju jenfasizza l-punti prinċipali tar-Rapport, li huwa nnifsu huwa sommarju tax-xogħol estensiv li sar f’bosta setturi ekonomiċi.

2.3.

Il-politika trid tiġi trasposta f’regoli, u r-regoli jridu jiġu infurzati. Il-Kummissjoni Ewropea hija membru fundatur tan-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni u hija attiva wkoll fil-forums internazzjonali kollha ddedikati għall-kompetizzjoni, inklużi l-OECD, l-UNCTAD, id-WTO u l-Bank Dinji. B’mod partikolari, il-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, u pproponiet regoli ġodda fil-forma ta’ Direttiva (2) biex tippermetti li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jkunu aktar effettivi fl-infurzar tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust.

2.4.

Huwa importanti li individwi li jkollhom xi għarfien dwar l-eżistenza jew il-funzjonament ta’ kartell jew ta’ tipi oħra ta’ ksur antitrust ikollhom il-mezzi biex jixħtu d-dawl fuq dawn il-prattiki. Tnediet għodda ġdida u anonima għall-informaturi li tiffaċilita dan, u din qed tiġi użata b’mod attiv.

2.5.

Ir-rekwiżiti rigward in-notifika ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li huma iżgħar u inqas problematiċi ġew issemplifikati, u ġew introdotti eżenzjonijiet; 24 Stat Membru ngħaqdu mat-Transparency Award Module, li jipprovdi informazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

2.6.

Twettaq infurzar rigoruż tal-kompetizzjoni fi swieq ikkonċentrati. Is-settur tal-farmaċewtika kien suġġett għall-ewwel investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar prattiki ta’ pprezzar eċċessivi fl-industrija tal-farmaċewtika; għadd ta’ fużjonijiet fis-settur agrokimiku ġew skrutinizzati u ġiet projbita fużjoni fl-industrija tas-siment li kienet se tnaqqas il-kompetizzjoni.

2.7.

Fis-settur tal-enerġija, twettqu azzjonijiet ta’ infurzar relatati mal-għajnuna mill-Istat u mal-mekkaniżmi ta’ kapaċità, u l-investigazzjoni tal-prattiki kummerċjali ta’ Gazprom fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant komplew b’sejba preliminari li kienu qed isir ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust.

2.8.

Fit-trasport, ġew eżaminati l-akkwiżizzjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni u ġew identifikati azzjonijiet antikompetittivi fit-trasport bil-ferrovija fil-Litwanja, li rriżultaw f’multi u f’azzjoni ta’ rimedju, u ġie approvat il-forniment ta’ għajnuna mill-Istat lis-settur fil-Greċja u fil-Bulgarija. Fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, ittieħdet azzjoni ta’ kontra l-kartelli fil-konfront ta’ Scania, u għadd ta’ ditti fis-settur tal-parts tal-karozzi kienu suġġetti għal multi kbar.

2.9.

L-estensjoni tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għall-portijiet u l-ajruporti ffaċilitat l-għoti ta’ għajnuna adatta mill-Istat.

2.10.

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-fużjoni proposta bejn Deutsche Börse u l-London Stock Exchange Group ikkonkludiet li dan kien ikun monopolistiku, u b’riżultat ta’ dan il-fużjoni ġiet ipprojbita.

2.11.

Ta’ min josserva li l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE se jkollha tirreaġixxi b’mod kostruttiv u kreattiv għall-isfida tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Kif stipulat mill-Kunsill Ewropew, kwalunkwe ftehim kummerċjali fil-futur għandu jiżgura kundizzjonijiet ekwi, notevolment mil-lat tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ r-Rapport tal-2017, li jinkludi bosta eżempji tal-fokus tal-Kummissjoni fuq il-promozzjoni tal-benesseri tal-konsumatur u l-prevenzjoni ta’ ħsara lill-konsumatur. Wieħed mill-effetti konsegwenti ta’ dan l-approċċ huwa li mhux biss tissaħħaħ l-integrazzjoni tas-Suq Uniku, iżda wkoll li jissaħħu l-iżvilupp ekonomiku u l-għanijiet tal-politika soċjali relatati.

3.2.

F’din l-aħħar sena, l-Opinjonijiet tal-KESE spiss identifikaw l-importanza ta’ politika tal-kompetizzjoni effettiva u applikata. Il-benesseri tal-konsumatur u l-punti ta’ riferiment għall-benesseri, flimkien maż-żamma ta’ struttura kompetittiva effettiva, jipprovdu r-raġuni għall-indirizzar tal-isfruttament, tal-prattiki ta’ esklużjoni u tal-ftehimiet restrittivi. Billi tħeġġeġ l-aħjar prattika ekonomika, politika tal-kompetizzjoni soda tħeġġeġ it-tisħiħ tan-negozju Ewropew fi swieq internazzjonali kompetittivi u l-promozzjoni ta’ dawk l-għanijiet soċjali li tissejjes fuqhom.

3.3.   L-emissjonijiet tal-karozzi

3.3.1.

Fl-Opinjoni tal-KESE dwar l-azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-konformità u l-governanza ambjentali (3), kien osservat li n-nuqqas ta’ rispett għall-mekkaniżmi li jiggarantixxu l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni u l-governanza ambjentali huwa fattur spjaċevoli li jikkontribwixxi għal kompetizzjoni inġusta u għal dannu ekonomiku. Il-Kumitat josserva li l-konformità u l-aderenza għall-istat tad-dritt huma fundamentali għal politika tal-kompetizzjoni b’saħħitha.

3.3.2.

F’dan il-kuntest, il-Kumitat japprezza l-fatt li l-investigazzjoni preliminari tal-Kummissjoni rigward kartell possibbli li jinvolvi BMW, Daimler, Volkswagen, Audi u Porsche, dwar jekk il-kumpaniji llimitawx l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ riduzzjoni katalitika selettiva u ta’ filtri tal-partikuli tad-diżil, li potenzjalment jillimita t-tnedija u l-użu ta’ teknoloġiji aktar ekoloġiċi, wassal lit-tim tal-antikompetizzjoni sabiex jiftaħ investigazzjoni formali.

3.4.   Mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv

3.4.1.

Il-Kumitat josserva li saret it-traspożizzjoni finali tad-Direttiva dwar id-Danni (4) li parzjalment tindirizza l-kwistjoni tal-forniment ta’ mekkaniżmu legali għal azzjonijiet kollettivi. Madankollu, l-irtirar tal-proposta għal direttiva mħejjija mid-DĠ COMP fl-2009, meta meħud flimkien mal-proposta inkluża riċentement fil-Patt Ġdid għall-Konsumaturi, jagħti sinjal ta’ nuqqas ta’ rieda politika biex jittieħdu passi sinifikanti għall-istabbiliment ta’ qafas li jkun ġenwinament effiċjenti għal azzjonijiet rappreżentattivi fil-livell Ewropew. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli timmonitorja l-effettività tal-mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fid-diversi Stati Membri, u biex tieħu azzjoni ulterjuri jekk meħtieġ.

3.5.   Frankiġja tal-bejgħ bl-imnut

3.5.1.

Il-KESE josserva li hemm problema dejjem tikber relatata ma’ kuntratti ta’ frankiġja fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li jista’ jkollha implikazzjonijiet serji għall-kompetizzjoni. Pereżempju, tilwim kbir fin-Netherlands bejn il-franchisor HEMA u għadd ta’ konċessjonarji rigward kuntratti eżistenti u l-porzjon tal-qligħ mill-bejgħ fuq l-Internet irriżulta fil-kanċellazzjoni tal-kuntratti tal-konċessjonarji. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tanalizza din is-sitwazzjoni u biex tressaq proposti addizzjonali dwar il-frankiġja li jistgħu jiġu inklużi fir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija, sabiex jintradd lura l-bilanċ kummerċjali u kuntrattwali bejn il-konċessjonarji u l-franchisor.

3.6.   Sussidji fil-livell tal-awtorità lokali

3.6.1.

F’ħafna Stati Membri, l-awtoritajiet lokali qed jirrikorru għall-iżvilupp ta’ attivitajiet kummerċjali bl-użu ta’ riżorsi jew faċilitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku. Dan jista’ jwassal għal kompetizzjoni inġusta jekk ikun preżenti element ta’ sussidju. Pereżempju, l-SMEs fl-industrija tas-servizzi alimentari u t-turiżmu jiffaċċjaw attivitajiet issussidjati fil-kantins ta’ klabbijiet sportivi, ċentri ta’ rikreazzjoni eċċ. L-awtoritajiet lokali jixtru jew joffru fondi pubbliċi lil dawn il-klabbijiet u assoċjazzjonijiet, li spiss ikunu eżenti milli jħallsu l-VAT u jibbenefikaw minn primjums soċjali, bħal xogħol volontarju. Dawn l-attivitajiet parakummerċjali spiss jiġu organizzati (mil-lat ta’ fatturat u ta’ profitti) bħala intrapriża kummerċjali normali. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex timmonitorja dan il-fenomenu u tara jekk jistax jiġi żviluppat adattament tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jew ta’ strumenti oħra fil-livell tal-UE biex dawn l-attivitajiet lokali jiġu rregolati, li f’xi każijiet huma saħansitra ssussidjati mill-fondi tal-UE!

3.7.   Informazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat

3.7.1.

Id-disponibbiltà u l-użu tat-Transparency Award Module (TAM) jintlaqgħu partikolarment tajjeb billi jippermettu li l-partijiet interessati (il-Kummissjoni, il-kompetituri u l-pubbliku inġenerali) jivverifikaw il-konformità tal-għajnuna mill-Istat mar-regoli. S’issa, ġew ippubblikati madwar 30 000 TAM.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Id-Direttiva NEK+

4.1.1.

Il-KESE huwa mħeġġeġ mill-enfasi fuq l-infurzar f’dan ir-rapport u ħa din l-opportunità biex jerġa’ jiddikjara l-fehmiet tiegħu (5) dwar id-Direttiva NEK+ (6), li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-NCAs biex ikunu aktar effettivi.

4.1.2.

Il-Kumitat iddikjara preċedentement il-fehma tiegħu li Regolament jista’ jkun strument leġislattiv aktar effettiv f’dan il-qasam iżda jirrikonoxxi l-ħtieġa għall-proporzjonalità. Barra minn hekk, il-politika tal-kompetizzjoni għandha tiggarantixxi opportunitajiet indaqs, bl-NCAs ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-miżuri u l-istrumenti legali meħtieġa biex jindirizzaw kartelli sigrieti.

4.1.3.

Għalkemm id-Direttiva NEK+ għandha tiggarantixxi l-indipendenza, ir-riżorsi u sett ta’ għodod effettivi biex jitwettaq l-infurzar, għad fadal xi mistoqsijiet dwar l-awtonomija u l-kapaċitajiet tal-NCAs. Indipendenza ġenwina, għarfien espert u taħriġ huma kollha meħtieġa għal xogħol effettiv. Għandha titħeġġeġ azzjoni preventiva biex tiġi evitata mġiba antikompetittiva, u għandhom jiżdiedu l-penali sabiex dawn ikunu deterrent effettiv. L-NCAs għandhom ikollhom ukoll is-setgħa li jibdew proċedimenti legali fuq inizjattiva tagħhom stess.

4.2.   Protezzjoni tal-informaturi

4.2.1.

Irid jitwettaq aktar xogħol fir-rigward tal-għoti ta’ informazzoni lill-pubbliku dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni. Dan isaħħaħ l-effettività tal-għodod ġodda li huma disponibbli għar-rappurtar tal-ksur, bħall-għodda għall-informaturi. Għalkemm il-KESE huwa mħeġġeġ li jara li din l-għodda qed tintuża regolarment, huwa għandu għadd ta’ riżervi dwar id-Direttiva proposta, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni għall-informaturi (7).

4.2.2.

Il-KESE jirreferi lill-Kummissjoni għall-Opinjoni tiegħu dwar din id-Direttiva (8) fejn huwa jirrakkomanda li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ma għandux ikun limitat għall-konformità mad-dritt tal-UE, iżda minflok jiġi estiż biex jinkludi konformità mal-liġi nazzjonali.

4.2.3.

Huwa importanti wkoll li ssir referenza għall-inklużjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u li r-rappreżentanti tat-trejdjunjins u tal-NGOs jissemmew bħala eżempji ta’ persuni ġuridiċi. L-informaturi għandhom ikollhom aċċess għar-rappreżentanti tat-trejdjunjins f’kull stadju tal-proċess.

4.3.   L-ekonomija diġitali

4.3.1.

Il-KESE josserva li r-Regolament il-ġdid dwar Kooperazzjoni b’rabta mal-Protezzjoni tal-Konsumaturi (9) ġie adottat fi tmiem l-2017 u għandu jiżgura koordinazzjoni aħjar fost in-netwerks tal-konsumaturi biex jinforza miżuri kontra prattiki antikompetittivi transkonfinali. Pereżempju, ir-Regolament jidentifika prattiki ta’ imblukkar ġeografiku fis-settur tal-kummerċ elettroniku li, min-natura tagħha stess, hija kwistjoni transkonfinali. Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi ħadmu fuq din il-kwistjoni għal ħafna snin, fejn ġabru eżempji u prattiki transkonfinali. Flimkien man-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni u n-Netwerk ta’ Kooperazzjoni b’rabta mal-Protezzjoni tal-Konsumaturi, issa hija antiċipata azzjoni ta’ infurzar ikkoordinata aħjar.

4.3.2.

Fil-qasam li qed jikber malajr tal-ekonomija diġitali, qed jinħolqu kontinwament il-prattiki antikompetittivi ta’ ħafna tipi oħrajn. Pereżempju, l-użu ta’ algoritmi sofistikati jistgħu jaġġustaw il-prezzijiet abbażi tad-data miġbura minn sorsi diversi onlajn, u dan jgħin ukoll lill-kumpaniji jimpenjaw ruħhom f’kollużjoni onlajn. Jeħtieġ li jkunu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni riżorsi baġitarji adegwati sabiex timmonitorja u tiġġieled dawn il-prattiki.

4.4.

Il-KESE jemmen li kooperazzjoni aħjar bejn l-NCAs u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat, speċjalment billi l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jinfurmaw lill-NCAs dwar ksur suspettat. Fil-fatt, huma jistgħu jipprovdu data siewja lill-awtoritajiet mit-trattament tagħhom stess tal-ilmenti.

4.5.

L-Unjoni tal-Enerġija tista’ tistimula l-proċess kontinwu biex tinkiseb kompetizzjoni ġusta fis-settur tal-enerġija tal-UE, li għadu qasam fejn hemm firxa wiesgħa ta’ pprezzar għall-konsumatur u għall-industrija u fejn tista’ tiġi limitata l-għażla fis-suq. Il-KESE jemmen li analiżi dettaljata tal-prattiki regolatorji – li jvarjaw konsiderevolment fost l-Istati Membri – tkun tipprovdi l-bażi għal djalogu kostruttiv biex jiġu solvuti d-diskrepanzi, u dan għandu jitwettaq b’mod konġunt mill-NCAs, mir-regolaturi nazzjonali tal-enerġija u mill-Kummissjoni. Dan jista’ jixħet dawl fuq in-nuqqas ta’ għażla u l-prattiki restrittivi, pereżempju, fl-iskema ta’ tisħin distrettwali.

4.6.

L-eżerċitar mhux xieraq tas-saħħa fis-suq fis-settur tal-bejgħ tal-ikel huwa problema li għadha għaddejja. Il-Kummissjoni tqajjem il-mistoqsija ta’ jekk ktajjen kbar tal-bejgħ kisbux wisq saħħa ta’ negozjar (fin-negozjati bilaterali mal-fornituri tagħhom) u saħħa tax-xerrej (fis-suq inġenerali) bis-saħħa tar-rwol doppju tagħhom ta’ klijenti u kompetituri (permezz ta’ marki privati) tal-fornituri tagħhom (10). Il-Kumitat iħeġġeġ li tittieħed azzjoni f’konformità mal-Opinjoni reċenti tiegħu dwar is-suġġett (11) u jirrepeti r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni tinkludi l-monitoraġġ tal-katina ta’ distribuzzjoni tal-ikel f’rapporti futuri dwar il-politika tal-kompetizzjoni.

4.7.   Id-dritt tal-kompetizzjoni u l-interess pubbliku usa’

4.7.1.

Id-distorsjonijiet tas-suq jistgħu jkunu kkawżati minn numru ta’ fatturi li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni strett tal-politika tal-kompetizzjoni. Fost dawn insibu varjazzjonijiet kbar fil-politika tat-tassazzjoni korporattiva bejn l-Istati Membri, prattiki tal-impjiegi kollettivament magħrufa bħala dumping soċjali, prattiki li jirriżultaw fl-ekonomija tal-gigs u kwistjonijiet relatati mal-ekonomija ċirkolari u s-sostenibbiltà ekonomika globali.

4.7.2.

Id-dritt tal-kompetizzjoni, li għandu l-għeruq tiegħu fil-perspettivi ekonomiċi ta’ nofs is-seklu 20, issa jeħtieġ jiffaċċja l-isfidi tas-seklu 21. Sabiex tingħeleb is-separazzjoni artifiċjali tal-isferi tas-suq u dawk soċjoambjentali, għandha tinbeda reviżjoni sistematika u komprensiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-objettivi ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

4.7.3.

Il-KESE jemmen li l-impenji li ħadet l-UE fir-rigward tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, flimkien mal-impenji eżistenti fit-trattati, għandhom jitqiesu bħala għanijiet ta’ interess pubbliku fl-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni flimkien ma’ dawk tal-interessi tal-konsumatur.

4.7.4.

Għandhom jiġu rikonoxxuti l-effetti tal-konċentrazzjonijiet tas-suq fuq il-ġenerazzjonijiet futuri tal-konsumaturi u l-produtturi. Għandhom jiġu vvalutati mudelli ta’ kalkolu differenti għal effetti dannużi fit-tul, eż. kif diġà sar fl-akkwist pubbliku permezz tal-kost taċ-ċiklu tal-ħajja.

4.8.

F’għadd ta’ Opinjonijiet reċenti (12), il-KESE appella biex jissaħħu l-miżuri relatati ma’ tassazzjoni ġusta li ttieħdu mill-Kummissjoni Ewropea (rigward kumpaniji multinazzjonali u individwi), billi ħafna kwistjonijiet pendenti għadhom ma ssolvewx. Dawn jinkludu l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, ir-rifuġji tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, u kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa fost l-Istati Membri.

4.9.

B’mod partikolari, hemm distorsjonijiet kontinwi u sostanzjali kkawżati mis-sistemi nazzjonali tat-taxxa korporattiva li jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor, fejn it-taxxa korporattiva tvarja minn 9 %-35 %, u rati saħansitra aktar baxxi huma disponibbli f’xi pajjiżi f’kategoriji bħad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Minħabba li l-politika dwar it-taxxa hija kompetenza nazzjonali, il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE dejjem se jkollha sfida biex timmodera d-distorsjonijiet ikkawżati.

4.10.

Id-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa (ATAD), li għandha tiġi applikata permezz tal-liġijiet tal-Istati Membri sal-1 ta’ Jannar 2019, tistabbilixxi regoli kontra prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern, u tinkludi elementi li għandhom jgħinu biex jiġu evitati ċerti approċċi nazzjonali diverġenti, u dan għandu jintlaqa’ tajjeb.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 (ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1). https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX:32010R0330

(2)  http://ec.europa.eu/competition/antitrust/proposed_directive_mt.pdf

(3)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 69.

(4)  Id-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Azzjonijiet kontra d-Danni kkawżati mill-Antitrust (ĠU L 349, 512.2014, p. 1).

(5)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 70.

(6)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw is-setgħa biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (COM/2017/142 final).

(7)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni (COM(2018) 218 final).

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar It-tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE. Relatur: Franca Salis-Madinier (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 155).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).

(10)  Commission Staff Working Document SWD(2018) 349 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 69.

(12)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 1; ĠU C 197, 8.6.2018, p. 29; ĠU C 81, 2.3.2018, p. 29.


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/52


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali”

[COM(2018) 398 final — 2018/0222 (NLE)]

(2019/C 110/09)

Relatur:

Jorge PEGADO LIZ

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 12.7.2018

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

21.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

205/3/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jieħu nota tal-Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (COM(2018) 398 final), bil-għan li jiżdiedu żewġ kategoriji ġodda fir-regolament ta’ abilitazzjoni li jagħmilha possibbli li l-Kummissjoni tadotta eżenzjonijiet ta’ kategorija (Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 (1) tat-13 ta’ Lulju 2015).

1.2.

Il-KESE huwa tal-fehma li din il-proposta hija neċessarja u f’waqtha bħala parti minn firxa sħiħa ta’ proposti ġodda li jittratttaw il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, peress li hija strument essenzjali għall-funzjonament effettiv ta’ diversi mill-miżuri previsti fil-qafas ta’ dawn l-inizjattivi ġodda. Hija tikkontribwixxi b’mod deċiżiv biex tiżgura li l-Kummissjoni taqdi rwol ewlieni fl-għażla ta’ proġetti li jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju b’konformità mal-interess komuni tal-UE u li l-appoġġ pubbliku jikkomplementa l-investiment privat b’mod għalkollox trasparenti.

1.3.

Għalhekk, il-KESE jaqbel ma’ din il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni, u jagħti l-approvazzjoni tiegħu. Il-Kumitat huwa tal-fehma wkoll li jkun tajjeb li l-partijiet interessati kkonċernati jitħeġġu jsegwu l-linji gwida fil-kodiċi ta’ prattika tajba.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Fis-6 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni ressqet il-Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (2) bħala parti minn firxa sħiħa ta’ proposti ġodda li jittratttaw il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) (3) li jmiss.

2.2.

Peress li l-proposta għandha l-għan li ttejjeb l-interazzjoni bejn ċerti programmi ta’ finanzjament tal-UE – b’mod partikolari fil-programmi COSME u Orizzont Ewropa, il-Programm Ewropa Diġitali, il-fond il-ġdid InvestEU u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat – għandha tagħmel possibbli tibdil immirat tar-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex il-finanzjament pubbliku tal-Istati Membri – inkluż dak mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej ġestiti fil-livell nazzjonali – u l-fondi tal-UE ġestiti f’livell ċentrali mill-Kummissjoni jistgħu jingħaqdu flimkien bl-iżjed mod fluwidu possibbli, mingħajr distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq tal-UE.

2.3.

L-għan tal-proposta għalhekk huwa li jiġu inklużi żewġ kategoriji ġodda fir-regolament ta’ abilitazzjoni li jippermetti li l-Kummissjoni tadotta eżenzjonijiet ta’ kategorija (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015), abbażi ta’ definizzjoni ta’ kriterji ċari ta’ kompatibilità, biex b’hekk ikun żgurat li l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun limitat. Jekk jiġu adottati dawn l-eżenzjonijiet ġenerali ikun possibbli li jiġu ssemplifikati b’mod sinifikanti l-proċeduri amministrattivi għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni abbażi ta’ kundizzjonijiet ta’ kompatibilità ex ante ddefiniti b’mod ċar.

2.4.

Fil-qosor, il-Kummissjoni tipproponi li żżid iż-żewġ punti li ġejjin mal-punt (a) tal-Artikolu l(1) tar-Regolament (UE) 2015/1588:

“(xv)

finanzjament li jgħaddi jew jirċievi sostenn minn strumenti finanzjarji jew garanziji baġitarji tal-UE, fejn l-għajnuna tkun tikkonsisti f’forma ta’ fondi addizzjonali pprovduti permezz ta’ riżorsi tal-Istat;

(xvi)

proġetti appoġġati minn programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea tal-UE”.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE appoġġja l-inizjattivi tal-programm il-ġdid tal-Kummissjoni fl-Opinjonijiet adottati dan l-aħħar, u l-iżjed dawk dwar:

(a)

InvestEU (4);

(b)

Orizzont Ewropa (5);

(c)

L-Intelliġenza artifiċjali (6);

(d)

Aġenda Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni mġedda (7);

(e)

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (8);

(f)

Regolament dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea 2021-2027 (9);

(g)

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (10);

(h)

L-implimentazzjoni tal-proġetti TEN-T (11);

(i)

Mobilità konnessa u awtomatizzata (12);

(j)

Programm Ewropa Diġitali (13).

3.2.

Il-proposta inkwistjoni tal-Kummissjoni hija meħtieġa għall-funzjonament effettiv ta’ diversi mill-miżuri previsti f’dawn l-inizjattivi ġodda, li jissemmew b’mod indikattiv, minħabba li d-diskussjonijiet bejn il-koleġislaturi għadhom għaddejjin. Hija tikkontribwixxi wkoll b’mod deċiżiv biex tiżgura li l-Kummissjoni taqdi rwol ewlieni fl-għażla ta’ proġetti u skemi li jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju b’konformità ma’ interess komuni tal-UE u li l-appoġġ pubbliku jikkomplementa l-investiment privat b’mod għalkollox trasparenti.

3.3.

Ta’ min jgħid li l-Artikoli 107, 108 u 109, fil-kapitolu “Regoli dwar il-Kompetizzjoni”, huma d-dispożizzjonijiet fundamentali li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat fil-liġi bażika tal-UE (TFUE)

3.4.

Mil-lat tal-implimentazzjoni tiegħu, ir-Regolament (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 ippreveda li l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE jiġu applikati għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali, ikunux investiment jew garanzija tal-gvern.

3.5.

Dan ir-regolament għandu jiġi adattat biex ikunu jistgħu jiġu implimentati l-għanijiet stipulati fil-proposta tal-Kummissjoni, li l-KESE tappoġġja bis-sħiħ.

3.6.

Il-KESE jagħti għalhekk l-approvazzjoni tiegħu għall-emendi li għandhom jiġu introdotti fir-Regolament (UE) 2015/1588 kif stipulati fil-proposta tal-Kummissjoni sa fejn din tqishom bħala essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija.

3.7.

Barra minn hekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ppubblikat ukoll ftit jiem wara l-pubblikazzjoni tal-proposta li qed tiġi kkunsidrata hawnhekk, “Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll għall-għajnuna mill-Istat” (14), li jħassar kodiċi ppubblikat fl-2009 u jinkludi l-Avviż ta’ Proċedura Simplifikata (15).

3.8.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon din l-inizjattiva li għandha l-għan li jinkiseb l-aqwa vantaġġ mir-regoli modernizzati dwar l-għajnuna mill-Istat, bħal dawk li jinsabu f’din il-proposta, sabiex l-Istati Membri, il-benefiċjarji tal-għajnuna u l-partijiet interessati jingħataw linji gwida dwar it-tħaddim prattiku tal-proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat, u li tagħmel “dawn il-proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat kemm jista’ jkun trasparenti, sempliċi, ċari, prevedibbli u f’waqthom.”.

3.9.

Dan il-kodiċi ta’ prattika tajba tal-2018 mhux maħsub li jkun eżawrjenti u ma joħloq l-ebda dritt ġdid. Huwa jiddeskrivi l-proċedura u jipprovdi linji gwida dwarha. Skont it-test, dan il-kodiċi għandu jinqara flimkien mat-testi l-oħra kollha adottati fi stadju iżjed bikri.

3.10.

L-għan fundamentali tiegħu huwa li jippromovi l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati u l-Kummissjoni fil-kontrolli li jsiru u biex jagħmel il-proċedura iżjed intelliġibbli għall-intrapriżi u l-Istati.

3.11.

Huwa jtejjeb ukoll il-proċedura għall-indirizzar tal-ilmenti dwar l-għajnuna mill-Istat billi jitlob lil dawk li jressqu l-ilmenti biex juru interess sa mill-mument li jressqu l-formola tal-ilmenti billi jiġu stabbiliti skadenzi indikattivi għall-investigazzjoni tal-ilmenti.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1.

(2)  COM(2018) 398 final.

(3)  COM(2018) 321 final tat-2 ta’ April 2018.

(4)  ECO/474 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 131).

(5)  INT/858 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 33).

(6)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 51

(7)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 73

(8)  ECO/462 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 90).

(9)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 116

(10)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 191

(11)  TEN/669 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 269).

(12)  TEN/673 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 274).

(13)  TEN/677 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 292).

(14)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2018) 4412 final tas-16.7.2018 (mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  ĠU C 136, 16.6.2009, p. 13.


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi”

[COM(2018) 365 final — 2018/0189 (COD)]

(2019/C 110/10)

Relatur:

Arnold PUECH d’ALISSAC

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 10.9.2018

Kunsill, 17.10.2018

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

21.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

208/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) huma riżorsa unika u prezzjuża għall-produtturi tal-Unjoni Ewropea f’suq dinji dejjem aktar liberalizzat u kompetittiv.

1.2.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha taġixxi dejjem fl-interess tal-protezzjoni tal-mudelli ta’ produzzjoni u s-sistemi ta’ kwalità rikonoxxuti fil-livell globali għas-sostenibbiltà tagħhom ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u l-produtturi.

1.3.

Għaldaqstant, l-indikazzjonijiet għandhom din il-partikolarità li jenfasizzaw id-dimensjoni lokali ta’ prodott u b’hekk jippromovu l-aspetti kulturali u l-għarfien lokali, it-territorju u l-partikolaritajiet agroekoloġiċi tiegħu. Dawn il-karatteristiċi għandhom jinżammu.

1.4.

Fil-livell dinji huwa nnotat li hemm moviment sinifikanti ta’ żvilupp ta’ marki uffiċjali ta’ identifikazzjoni tal-kwalità u tal-oriġini (MIKO).

1.5.

Il-KESE jissottolinja dan l-aspett pożittiv u jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati jiġu protetti fil-livell internazzjonali, skont il-Ftehim ta’ Ġinevra u skont il-prattiki legali tagħha, u jqis bħala essenzjali li jipprova jinħoloq qafas armonizzat ta’ protezzjoni tal-marki ta’ kwalità fil-livell internazzjonali. Madankollu, huwa jqis li huwa essenzjali li tittieħed azzjoni għal approċċ globali li jipproteġi u jippromovi s-sistema kollha tal-marki ta’ kwalità.

1.6.

Jeħtieġ li tiġi proposta sistema li tiggarantixxi trattament ugwali għall-produtturi Ewropej kollha li jixtiequ li l-indikazzjoni ġeografika tagħhom tiġi rikonoxxuta wkoll fil-livell internazzjonali.

1.7.

Il-KESE jqis li d-drittijiet miksuba minn dawn l-indikazzjonijiet ġeografiċi diġà rreġistrati u protetti fil-livell Ewropew għandhom jinżammu biex jiġu evitati multi u trattament żbilanċjat.

2.   Il-proposta għal Regolament

2.1.

L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li jiġi żgurat il-qafas legali għall-parteċipazzjoni effettiva tal-Unjoni Ewropea fl-Unjoni ta’ Lisbona dwar id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) ladarba l-Unjoni Ewropea tkun saret Parti Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra.

2.2.

L-Att ta’ Ġinevra jistabbilixxi l-impenn ta’ kull Parti Kontraenti li tipproteġi d-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati fit-territorju tagħha, fi ħdan is-sistema u l-prattiki legali tagħha. Għalhekk, denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika rreġistrata hija protetta minn kull Parti Kontraenti jekk ma tiġix irrifjutata b’mod speċifiku.

2.3.

Ladarba l-Unjoni Ewropea saret Parti Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tipprovdi lista tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tagħha (miftiehma mal-Istati Membri) li għandhom jitqiegħdu taħt il-protezzjoni tas-sistema ta’ Lisbona. Wara l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Unjoni ta’ Lisbona, għandu jkun possibbli li jsiru applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi addizzjonali protetti u reġistrati fl-Unjoni Ewropea fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ Stat Membru jew ta’ grupp ta’ produtturi interessati.

2.4.

Jenħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ proċeduri xierqa biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta d-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw minn Partijiet Kontraenti terzi u reġistrati fir-Reġistru Internazzjonali. L-Unjoni Ewropea ser tkun obbligata tirrispetta d-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw minn Partijiet Kontraenti terzi u reġistrati fir-Reġistru Internazzjonali skont il-Kapitolu III tal-Att ta’ Ġinevra.

2.5.

Dan l-Att jimponi b’mod partikolari li kull Parti Kontraenti għandha tipprovdi rimedji legali effettivi għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini reġistrati u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati (ara l-Artikolu 14 tal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona) (1).

2.6.

Seba’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea huma membri tal-Unjoni ta’ Lisbona u fuq din il-bażi aċċettaw il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi. Sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom li assumew qabel l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Unjoni ta’ Lisbona, jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema ta’ protezzjoni tranżitorja li għandha tipproduċi effetti biss fil-livell nazzjonali, u li m’għandu jkollha l-ebda effett fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropew jew fuq il-kummerċ internazzjonali.

2.7.

It-tariffi li għandhom jitħallsu skont l-Att ta’ Ġinevra u r-Regolamenti Komuni għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika jenħtieġ li jitħallsu mill-Istat Membru minn fejn tkun toriġina d-denominazzjoni ta’ oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika (ara l-Artikolu 11 tal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona) (2).

2.8.

L-UE stabbilxxiet sistemi ta’ protezzjoni uniformi u eżawrjenti tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti agrikoli. Permezz ta’ dawn is-sistemi ta’ protezzjoni, id-denominazzjonijiet protetti għall-prodotti koperti jgawdu minn protezzjoni estensiva fl-Unjoni Ewropea kollha, abbażi ta’ proċess ta’ applikazzjoni unika. Il-proposta hija konsistenti mal-politika ġenerali tal-Unjoni Ewropea biex tippromovi u ssaħħaħ il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi permezz ta’ ftehimiet bilaterali, reġjonali u multilaterali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati jiġu protetti fil-livell internazzjonali, skont l-Att ta’ Ġinevra u skont il-prattiki legali tagħha. F’kuntest ikkaratterizzat minn globalizzazzjoni dejjem tikber speċjalment fir-rigward tal-kummerċ tal-oġġetti agroalimentari, huwa essenzjali li wieħed jipprova joħloq qafas armonizzat ta’ protezzjoni tal-marki ta’ kwalità fil-livell internazzjonali.

3.2.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha taġixxi dejjem fl-interess tal-protezzjoni tal-mudelli ta’ produzzjoni u s-sistemi ta’ kontroll tal-kwalità rikonoxxuti fil-livell globali għall-impatt ta’ benefiċċju fuq is-saħħa tal-konsumaturi u fuq is-sostenibbiltà ekonomika u ambjentali.

3.3.

L-indikazzjonijiet ġeografiċi jirrappreżentaw riżorsa unika (5,7 % tal-bejgħ tal-industrija agroalimentari, jew aktar minn EUR 54 biljun fl-2010) (3) u prezzjuża għall-produtturi tal-Unjoni Ewropea f’suq globali dejjem aktar liberalizzat. Madankollu, l-isforzi biex nikkompetu fil-qasam tal-kwalità huma inutli jekk il-vettur prinċipali li jintuża mill-prodotti ta’ kwalità tagħna, jiġifieri l-IĠ, mhuwiex protett biżżejjed kontra s-swieq internazzjonali.

3.4.

Il-KESE jenfasizza li l-indikazzjonijiet ġeografiċi huma marki distinti li jippermettu li ssir distinzjoni bejnhom u prodotti kompetituri u jinformaw lill-konsumatur dwar l-oriġini tal-prodott. B’differenza mit-trademarks, indikazzjoni ġeografika għandha l-għan li tenfasizza r-rabta bejn prodott u t-territorju ta’ oriġini tiegħu, u għalhekk l-indikazzjonijiet għandhom din il-partikolarità li jenfasizzaw id-dimensjoni lokali ta’ prodott u b’hekk jippromovu l-aspetti kulturali u l-għarfien lokali, it-territorju u l-partikolaritajiet agroekoloġiċi tiegħu. Dawn il-karatteristiċi għandhom jinżammu.

3.5.

Fl-2008, fl-Opinjoni tiegħu dwar “Indikazzjonijiet u denominazzjonijiet ġeografiċi” (4), il-KESE kien diġà enfasizza li “Fis-soċjetà ċivili Ewropea, l-għarfien tal-konsumaturi dwar il-karatteristiċi tal-prodotti tal-ikel agrikoli ilu għal xi żmien, jiżdied regolarment, u dan wassal għal domanda għall-prodotti ta’ kwalità”. Din id-dikjarazzjoni tibqa’ valida llum aktar minn qatt qabel, filwaqt li l-konsumatur Ewropew ifittex dejjem aktar prodotti ta’ kwalità minn territorju, reġjun jew pajjiż partikolari u li l-kwalità u r-reputazzjoni, fost il-karatteristiċi l-oħra, huma fundamentalment marbuta ma’ dik l-oriġini ġeografika (5).

3.6.

Skont opinjoni reċenti tal-Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Ambjentali Franċiż dwar il-marki uffiċjali ta’ kwalità u ta’ oriġini tal-prodott alimentari, wieħed jinnota li fil-livell dinji hemm moviment sinifikanti ta’ żvilupp ta’ marki uffiċjali ta’ identifikazzjoni tal-kwalità u tal-oriġini (MIKO). L-indikazzjonijiet ġeografiċi qed jimxu ’l quddiem peress li jissodisfaw domanda dejjem akbar tal-konsumaturi u jippromovu wkoll storja, wirt u għarfien tal-antenati marbuta ma’ territorju partikolari.

3.7.

Il-KESE jixtieq jirrimarka li skont il-FAO (6), l-indikazzjonijiet ġeografiċi għandhom effett pożittiv ħafna fuq il-prezzijiet, irrispettivament mit-tip ta’ prodott, mir-reġjun ta’ oriġini jew mit-tul ta’ żmien tar-reġistrazzjoni.

3.8.

Fil-ftehimiet bilaterali kollha konklużi jew li qegħdin jiġu nnegozjati, l-aspetti relatati mal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi qed isiru dejjem aktar ċentrali. Il-KESE jenfasizza dan l-aspett pożittiv. Madankollu, huwa jqis li huwa essenzjali li tittieħed azzjoni għal approċċ globali li jipproteġi u jippromovi s-sistema kollha tal-marki ta’ kwalità.

3.9.

Biex isir dan, il-KESE jqis li jenħtieġ li tiġi kkunsidrata mill-ġdid il-proposta biex tiġi stabbilita lista pożittiva fil-livell tal-UE li mhijiex konformi mar-rekwiżit ta’ protezzjoni globali tas-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi. Fil-fatt jeħtieġ li tiġi proposta sistema li tiggarantixxi trattament ugwali għall-produtturi Ewropej kollha li jixtiequ li l-indikazzjoni ġeografika tagħhom tiġi rikonoxxuta wkoll fil-livell internazzjonali. Dan huwa aktar rilevanti peress li l-kriterji magħżula ma jqisux kriterji soċjoekonomiċi oħrajn li huma essenzjali għall-iżvilupp tal-ekonomija ta’ ċerti territorji tal-Unjoni Ewropea. Madwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi spiss ikun hemm ekonomija lokali li tiġġenera l-impjiegi, li għandha impatt importanti ħafna fuq setturi oħrajn tal-ekonomija bħat-turiżmu u li hija ta’ benefiċċju għall-ġestjoni u l-operat tat-territorju.

3.10.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-konsegwenzi tar-relazzjonijiet ġodda futuri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit u l-impatt li d-determinazzjoni ta’ lista pożittiva jista’ jkollha fuq in-negozjati li jinsabu għaddejjin, li għandhom isiru fuq il-bażi tal-protezzjoni tas-sistema ta’ kwalità tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Wara l-ħruġ tiegħu, ir-Renju Unit għandu jkompli jirrispetta l-indikazzjonijiet ġeografiċi ggarantiti minn sistema li s’issa kien jibbenefika minnha.

3.11.

Il-KESE jenfasizza li s-settur agroalimentari Ewropew huwa mhedded ħafna mill-iffalsifikar tal-prodotti. Rapport (7) li ġie ppubblikat dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea jikkonferma li l-prodotti li huma l-aktar iffalsifikati huma l-prodotti agroalimentari.

3.12.

Il-KESE jfakkar li sa llum seba’ pajjiżi tal-UE huma diġà membri effettivi tal-Ftehim ta’ Lisbona (il-Bulgarija, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja) u li dan il-Ftehim illum jinkludi 1,000 indikazzjoni ġeografika rreġistrata, li l-protezzjoni internazzjonali tagħhom tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti (DOP) u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) hija żgurata permezz ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni unika.

3.13.

Il-KESE jqis li d-drittijiet miksuba minn dawn l-indikazzjonijiet ġeografiċi diġà rreġistrati u protetti fil-livell Ewropew għandhom jinżammu biex jiġu evitati multi u trattament żbilanċjat.

3.14.

Fl-aħħar nett, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-istudju tal-2012, l-uniku studju disponibbli attwalment, dwar il-valur kummerċjali tal-IĠ fl-Unjoni (8). Madankollu jidher li r-rata tal-primjum għall-IĠ (“value premium rate”) baqgħet fundamentalment l-istess minn dak iż-żmien.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  http://www.wipo.int/edocs/pubdocs/en/wipo_pub_239.pdf.

(2)  Ibid.

(3)  Ara s-sejħa għall-offerti Nru AGRI-2011-EVAL-04 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 57

(5)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1540542863415&uri=CELEX:32012R1151.

(6)  Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti.

(7)  https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/report_on_eu_customs_enforcement_of_ipr_2017_en.pdf (għalissa disponibbli biss bl-Ingliż).

(8)  https://ec.europa.eu/agriculture/external-studies/value-gi_en (għalissa disponibbli biss bl-Ingliż).


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament emendatorju (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq); ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju; ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej; ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; ir-Regolament (UE) 2015/760 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil; ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; ir-Regolament (UE) 2017/1129 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat; u d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu”

(COM(2018) 646 final — 2017/0230 (COD))

(2019/C 110/11)

Relatur ġenerali:

Petr ZAHRADNÍK

Konsultazzjoni

Il-Parlament Ewropew, 4.10.2018

il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 12.11.2018

Bażi ġuridika

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni tal-plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

121/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-flessibilità li biha l-Kummissjoni Ewropea tirreaġixxi għal problemi attwali f’istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji u tieħu miżuri addizzjonali biex teqred il-prattika tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

1.2.

Fl-istess ħin, il-KESE jaħseb li, minbarra t-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri, l-operazzjonijiet għandhom ukoll jiġu kkoordinati ma’ partijiet rilevanti oħra biex jindirizzaw din il-problema perikoluża ħafna b’mod effettiv.

1.3.

Il-KESE jwissi li t-teknoloġija u komunikazzjonijiet mhux biss iservu għall-iżvilupp ta’ prodotti finanzjarji innovattivi għall-benefiċċju tad-depożituri u l-investituri, iżda huma wkoll inċentiv qawwi għall-kriminali attivi fil-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Din hija raġuni waħda għaliex jappella li s-soluzzjonijiet adottati jiffokaw kemm jista’ jkun possibbli fuq il-prevenzjoni ta’riskji futuri.

1.4.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li dejjem qed tikber ta’ din il-problema f’relazzjoni ma’ pajjiżi terzi fir-rigward tar-riskji ġeopolitiċi, politiċi u ta’ sigurtà li dejjem qed imorru għall-agħar u jenfasizza l-ħtieġa biex l-UE tkun preparata bl-aħjar mod biex telimina l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u biex telimina l-abbuż tas-suq finanzjarju u l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-UE.

1.5.

Il-KESE jirrikonoxxi u jirrispetta l-fatt li l-miżuri proposti fil-proposta leġislattiva, filwaqt li huma importanti, huma biss parti mill-passi ta’ koordinazzjoni, organizzattivi u ġurisdizzjonali li jridu jiġu segwiti minn sett addizzjonali ta’ miżuri biex il-problema tiġi indirizzata b’suċċess. Fl-istess ħin, huwa jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li, sabiexjiġi żgurat li r-rotta magħżula hija fattibbli u sostenibbli, huwa preferibbli li jkun hemm ċaqliq fi stadji sabiex jiġi evitat tfixkil għall-istabbiltà u l-funzjonament tas-sistema eżistenti.

1.6.

Il-KESE jemmen li taħt bilanċ ġdid tas-setgħat bejn il-korpi superviżorji, relazzjoni bilanċjata għandha tinstab bejn l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), bis-setgħat ġodda u mifruxa tagħha, u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, sabiex il-partijiet kollha involuti jagħmlu l-aħjar użu tal-kapaċitajiet tagħhom sabiex jilħqu s-soluzzjoni mixtieqa għall-problema.

1.7.

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ komunikazzjoni interna u esterna dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu għal ksib tal-għanijiet tal-miżuri. L-element prinċipali f’komunikazzjonijiet interni huwa t-titjib u l-ħarsien ta’ flussi ta’ informazzjoni bejn il-korpi ta’ sorveljanza kkonċernati; fil-każ ta’ komunikazzjoni esterna, il-pubbliku inkwistjoni għandu jingħata informazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar il-modi diversi kif dan it-tip ta’ delitt jista’ jseħħ, bħala mezz ta’ prevenzjoni u tħejjija għalih.

1.8.

Il-KESE jinteressa ruħu fuq liema bażi s-settur bankarju ġie identifikat bħala l-aktar vulnerabbli għall-abbuż tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li wassal għal-aktar tisħiħ u setgħat għall-EBA miż-żewġ awtoritajiet superviżorji l-oħra tal-UE.

1.9.

Il-KESE jixtieq jara spjegazzjoni aktar dettaljata tar-relazzjonijiet ġodda bejn l-EBA u l-awtoritajiet superviżorji l-oħra tal-UE, kif ukoll l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u b’mod partikolari l-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi fil-qasam ta’ koordinazzjoni u sinerġiji fil-ġlieda kontra flus maħmuġa u ffinanzjar tat-terroriżmu.

2.   Kuntest ġenerali tal-proposta u fatti ewlenin

2.1.

Sa mill-2011, l-UE għandha sistema ġdida superviżjoni tas-suq finanzjarju, li kkontribwixxiet b’mod sostanzjali għall-istabbiltà tiegħu u għal-limitazzjoni tar-riskju. Wasslet għal armonizzazzjoni tar-regoli tas-swieq finanzjarji fl-UE, kif ukoll għall-konverġenza tal-attivitajiet ta’ superviżjoni tagħhom. Madankollu, l-espansjoni sussegwenti ta’ innovazzjoni teknoloġika u finanzjarja kompliet tibdel il-firxa ta’ attività kriminali li tisfrutta s-settur finanzjarju biex dan jinkoraġġixxi atti kriminali u biex jaħsel ir-rikavat tagħhom. Huwa ċar li dawn i-żewġ tipi ta’ attivitajiet mhux biss mhumiex soċjalment mixtieqa ħafna iżda fl-istess ħin joħolqu distorsjoni fil-mod kif joperaw is-swieq finanzjarji u fl-effettività tagħhom, peress li l-għan primarju tagħhom mhuwiex li jimmassimizzaw il-profitti bbażati fuq il-potenzjal oġġettiv tal-assi u l-valur tagħhom li jevolvi, iżda s-segretezza, il-ħabi u nuqqas ta’ divulgazzjoni; imġieba li tfisser li r-riżorsi finanzjarji mhumiex qegħdin jiġu allokati neċessarjament bl-aħjar mod.

2.2.

L-għan tal-miżuri proposti għalhekk huwa mhux biss li jiġu evitati jew limitati l-mezzi disponibbli għat-twettiq ta’ reati jew il-legalizzazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom iżda wkoll li jkunu ppreservati sew l-istituzzjonijiet finanzjarji li qed jiġu sfruttati permezz ta’dan ir-reat u jiżguraw l-istabbiltà u s-sigurtà tagħhom għal klijenti u investituri. Dan ukoll x’aktarx se jillimita r-riskji kemm politiċi kif ukoll dawk ta’ reputazzjoni għall-Istati Membri individwali u fl-UE kollha kemm hi.

2.3.

Billi s-swieq finanzjarji huma attwalment multinazzjonali u interkonnessi bħal qatt qabel, għall-finijiet ta’ din il-proposta huwa kruċjali ħafna li tiġi stabbilita sistema li tissodisfa l-funzjoni tagħha f’kuntest transkonfinali, peress li l-analiżi empirika turi li dan ir-reat kriminali dejjem aktar jitwettaq fuq bażi transkonfinali, u fost affarijiet oħrajn, jinvolvi operaturi minn pajjiżi terzi. Għalhekk, sabiex dawn l-isforzi jkollhom suċċess mhuwiex biżżejjed li l-prosekuzzjoni ta’ dan ir-reat isseħħ f’pajjiż wieħed biss – anke jekk tkun effettiva. Għalhekk, huwa importanti ħafna li jkun hemm sinerġiji effettivi bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fil-qasam tal-ħasil tal-flus jew dawk li qed jissuperviżżaw is-suq finanzjarju u mal-istituzzjonijiet tal-UE li jispeċjalizzaw f’dawn l-oqsma kif ukoll ma’ awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi.

2.4.

Il-miżura proposta eżaminata f’din l-Opinjoni hija biss waħda minn pakkett ta’ miżuri f’dawn l-isforzi msemmija. Sabiex dawn l-isforzi jkollhom suċċess, huwa essenzjali li jkun hemm koordinazzjoni ma’ elementi oħra li flimkien jiffurmaw approċċ sistematiku u konsistenti, li jagħmluha diffiċli kemm jista’ jkun biex l-awturi jwettqu dawn ir-reati.

2.5.

B’mod partikolari, il-proposta għandha l-għan li:

tottimizza l-użu tal-għarfien espert u r-riżorsi disponibbli permezz ta’ ċentralizzazzjoni tal-kompiti tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) relatati mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu għas-suq finanzjarju kollu kemm hu;

tikkjarifika l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tal-kompiti relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, fdati lill-EBA;

it-tisħiħ tal-għodod għat-twettiq tal-kompiti marbuta mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus;

it-tisħiħ tar-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea fi kwistjonijiet internazzjonali marbuta mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1.

Il-KESE jemmen li t-tema tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija importanti mhux biss minħabba bidliet teknoloġiċi dinamiċi u innovazzjonijiet finanzjarji, iżda wkoll minħabba għadd kbir ta’ każijiet reċentement identifikati fejn is-sistemi bankarja u finanzjarja f’bosta Stati Membri tal-UE ġew sfruttati għal skopijiet ta’ kriminalità. F’dan il-kuntest huwa importanti wkoll li jiġu identifikati r-riskji ġeopolitiċi qawwija, inklużi attivitajiet terroristiċi.

3.2.

Il-KESE huwa mħasseb li l-problema hija kkumplikata aktar minħabba l-fatt li dan ir-reat u t-tentattivi biex ir-rikavat tiegħu jinħasel permezz tas-settur finanzjarju mhux qed isseħħ biss fuq bażi transkonfinali fi ħdan l-UE, iżda jinvolvi wkoll attivitajiet kriminali li jestendu lejn pajjiżi terzi. Il-KESE jirrikonoxxi li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea qed tfittex attivament biex din tindirizzaha.

3.3.

F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota li għalkemm ir-rieżami tas-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja ġiet indirizzata fl-2017 (1) u l-KESE ħareġ Opinjoni (2) dwarħa, adottata fil-plenarja fit-15 ta’ Frar 2018, ċirkostanzi u ideat ġodda waslu qanqlu l-ħtieġa li l-proposta tiġi emendata billi żdidulha elementi biex titjieb l-effiċjenza tagħha. Il-kontenut tal-Opinjoni tal-KESE għadu validu u applikabbli fl-intier tagħha. Fl-istess ħin, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon rispons flessibbli mill-Kummissjoni għal serje ta’ skandli bankarji f’diversi pajjiżi tal-UE, li kkonfermat li l-kriminali huma kapaċi jisfruttaw it-teknoloġija u mezzi ta’ komunikazzjoni kif ukoll il-leġislazzjoni attwali, fil-proċess jiżvelaw in-nuqqasijiet tar-reġim tal-ħasil tal-flus tal-UE.

3.4.

Il-KESE jinnota li l-elementi ġodda fil-proposta huma prinċipalment ta’ natura teknika u organizzattiva, għalkemm jenħtieġu soluzzjonijiet usa’ u aktar komprensivi biex titranġa s-sitwazzjoni attwali. Il-KESE jżid li l-proposta tikkonċerna firxa dejqa ta’ kwistjonijiet relatati maż-żieda ta’ setgħat lill-EBA u biex iżżid il-koordinazzjoni tagħha ma’ awtoritajiet superviżorji nazzjonali fil-ġlieda kontra flus maħmuġa (superviżuri tal-AML) u f’ċerti każijiet xi kontroll fuqhom. Min-naħa l-oħra, il-proposta ma tindirizzax il-ħidma tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) Il-proposta tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’attivitajiet u proċeduri b’mod aktar ġenerali, pjuttost milli l-kontenut speċifiku tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

3.5.

Il-KESE jwissi b’mod enfatiku li l-ħasil tal-flus mhux biss mod kif jiġu llegalizzati ir-rikavati minn attivitajiet meqjusa bħala inkompatibbli mal-liġi u kriminali, iżda jwassal ukoll għal allokazzjoni irrazzjonali ta’ riżorsi fejn l-għan ewlieni ta’ dawn l-operazzjonijiet huma “li ma jinkixfux” u “li jiġu legalizzati” r-riżorsi investiti jew it-trasferiment tagħhom għal post fejn se jitwettqu aktar reati, aktar milli biex jagħmlu qligħ. Fl-istess ħin Il-KESE jirrispetta u jenfasizza l-fatt li l-emenda ma tindirizzax analiżi tat-tendenzi ġodda, u ċ-ċirkostanzi li taħthom l-ħasil tal-flus iseħħ fiċ-ċirkostanzi attwali. Il-proposta tiffoka fuq oqsma partikolari tal-eliminazzjoni ta’ dawn il-prattiki inġusti, prinċipalment it-tisħiħ tar-rwol tal-EBA fil-qafas tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fl-indirizzar tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni tagħha mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, li huma parti mill-awtoritajiet superviżorji tas-suq bankarji jew finanzjarji.

3.6.

Il-KESE jemmen li f’dan il-kuntest id-diviżjoni korretta tal-kompetenzi bejn l-EBA u l-awtoritajiet nazzjonali għandha importanza fundamentali filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta’ sussidjarjetà. It-tisħiħ tas-setgħat tal-EBA fl-indirizzar ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali huwa assolutament essenzjali, leġittimu u ġustifikat. Il-KESE jżid, madankollu, li f’każijiet esklussivament nazzjonali fejn l-EBA ma għandhiex rilevanza b’mod ċar, is-setgħat għandhom jitħallew f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali.

3.7.

Peress li l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija kruċjali biex jiġi żgurat ambjent ekonomiku u finanzjarju b’saħħtu fl-UE kollha, il-KESE jistaqsi jekk tkunx idea tajba li titwaqqaf organizzazzjoni dedikata fi ħdan il-fergħa eżekuttiva tal-UE, bħal direttorat ġenerali ġdid għal dan il-qasam. Ir-rilevanza ta’ din il-kwistjoni qed tikber fid-dawl tat-twaqqif ta’ Kummissjoni Ewropea ġdida fil-ħarifa tal-2019.

3.8.

Il-KESE jistaqsi ukoll fuq liema bażi huwa propost li l-EBA għandha taqdi rwol ta’ koordinatur ewlieni fl-indirizzar ta’ din il-problema. Dan ifisser li l-Kummissjoni Ewropea tqis li s-settur bankarju jipprovdi l-akbar ambitu fir-rigward tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fi ħdan l-UE?

3.9.

Il-KESE jaqbel li, fil-kuntest tal-proposta trid tiġi żgurata komunikazzjoni effettiva dwar kif din il-problema qed tiġi indirizzata. Din il-komunikazzjoni għandha tiffoka mhux fuq il-komunikazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kollha involuti (komunikazzjoni interna), iżda wkoll biex jiġi żgurat li l-arena pubbliku hija infurmata b’mod xieraq (klijenti tas-settur finanzjarju u l-pubbliku ġenerali).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jappella sabiex il-proposta tfassal b’mod konkret ħafna l-oqsma u r-relazzjonijiet fejn l-EBA għandha tieħu pożizzjoni dominanti vis-à-vis l-awtoritajiet superviżorji oħra tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra flus maħmuġa u l-finanzjament tat-terroriżmu, f’forma ta’ mandat komprensiv għas-suq finanzjarju kollu.

4.2.

Bl-istess mod, il-KESE jitlob għal aktar kjarifika dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-EBA tista’ twettaq superviżjoni tal-proċeduri tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jew toħroġ deċiżjonijiet direttament lil operaturi individwali fis-settur finanzjarju.

4.3.

Il-KESE tinteressah ħafna wkoll in-natura tal-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi.

4.4.

Il-KESE jitlob ukoll kjarifika dwar kif l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali għandha tiġi ċentralizzata fil-każ ta’ sorsi sigrieti jew sigrieti ħafna u kif dawn se jiġu protetti.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Proposta leġiżlattiva oriġinali COM (2017) 536 final, 20.9.2017. L-għan tagħha kien li ssaħħaħ il-ħila tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej biex jiżguraw konverġenza u sorveljanza effettiva tas-suq finanzjarju, iżda ma indirizzatx speċifikament it-tisħiħ tal-mandat tagħhom fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(2)  ĠU C 227, 28.6.2018, p. 63.


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/62


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill Nru 98/700/ĠAI, ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”

Kontribut tal-Kummissjoni Ewropea għal-Laqgħa tal-Mexxejja f’Salzburg fid-19-20 ta’ Settembru 2018

(COM(2018) 631 final — 2018/0330 (COD))

(2019/C 110/12)

Relatur ġenerali:

Antonello PEZZINI

Konsultazzjoni

Kummissjoni, 29.10.2018

Parlament Ewropew, 22.10.2018

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-TFUE

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

127/1/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat huwa konvint li f’żona ta’ moviment liberu l-fruntieri esterni jsiru fruntieri komuni u min jidħol fi kwalunkwe parti tat-territorju tal-Unjoni jidħol fl-ispazju komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bid-drittijiet u d-dmirijiet kollha li dan jinvolvi, għaċ-ċittadini u għall-istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej.

1.2.

Il-KESE jappella bil-qawwa għat-titjib fil-ġestjoni tal-migrazzjoni, bi sforz komuni mal-Istati Membri biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali li jġiegħlu lill-persuni jfittxu ħajja aħjar, barra minn pajjiżhom.

1.3.

Il-KESE jirrakkomanda li, fin-nuqqas ta’ qafas stabbilit u kondiviż mal-Istati Membri kollha dwar politika komuni fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-għajnuna għall-iżvilupp fil-pajjiżi ta’ emigrazzjoni, għandha titħalla barra d-delega ta’ setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ definizzjoni b’mod awtonomu.

1.4.

Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-proposta biex l-Aġenzija tingħata fergħa operattiva permanenti tagħha stess, li tkun tikkonsisti minn 10 000 persuna, u li b’hekk f’kooperazzjoni mal-Istati Membri jkollha l-kapaċità meħtieġa biex:

tħares il-fruntieri esterni tal-UE,

tipprevjeni l-movimenti irregolari,

timmaniġġja l-migrazzjonijiet legali,

timplimenta b’mod effettiv ir-ritorn tal-migranti irregolari.

1.5.

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-kooperazzjoni meħtieġa bejn l-Aġenzija u l-amministrazzjonijiet nazzjonali, li tradizzjonalment huma responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri, tkun definita u organizzata fil-livell Ewropew.

1.6.

Skont il-KESE huwa daqstant ieħor importanti li definizzjoni ċara u aċċettata b’mod wiesa’ tal-missjonijiet tal-Aġenzija tkun tevita duplikazzjoni u konflitti ta’ kompetenza, u jappella biex il-katina ta’ tmexxija bejn l-uffiċjali inkarigati mill-Aġenzija u l-uffiċjali nazzjonali tkun stabbilita b’mod trasparenti u ċar.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda li f’każijiet ta’ sfidi speċifiċi u sproporzjonati fil-fruntieri esterni, l-Aġenzija għandha tkun tista’ tintervjeni, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, billi torganizza u tikkoordina interventi rapidi fil-fruntieri billi tibgħat – bi qbil u b’koordinazzjoni mal-Istat ikkonċernat, li għandu jżomm il-kontroll u r-responsabbiltà għall-ġestjoni – timijiet tal-korp permanenti mgħammra b’apparat modern tagħhom stess.

1.8.

Il-KESE jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-persunal tal-Aġenzija, kemm fir-rigward “tar-rispett għall-ħajja tal-bniedem” u l-limitazzjonijiet fuq l-użu ta’ armi tan-nar, kif ukoll fir-rigward tar-rifjut jew tal-għoti ta’ viżi fil-fruntiera, peress li t-tnejn huma prerogattivi importanti tal-amministrazzjonijiet responsabbli għall-ordni pubbliku fl-Istati Membri.

1.8.1.

F’dan ir-rigward, il-Kumitat jirrakkomanda li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jkun jista’ jiġi invokat fiż-żewġ każijiet mill-Istati Membri u li r-Regolamenti tal-Persunal tal-Aġenzija jimponu livell għoli ta’ obbligi, speċjalment għad-dmirijiet ta’ kunfidenzjalità.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa l-approfondiment tal-mekkaniżmi msemmija fl-Anness V, tal-Kapitolu 3 tal-proposta, f’każ ta’ nonkonformità min-naħa tal-persunal. Il-mekkaniżmi għandhom jipprevedu r-rinviju quddiem il-qrati tal-Unjoni.

1.10.

Minħabba r-rwol li se jiġu assenjat lill-Aġenzija, f’każ ta’ detenzjoni ta’ persuni u r-rimpatriju eventwali tagħhom lejn il-pajjiżi ta’ oriġini, il-Kumitat jirrakkomanda li għall-persunal statutorju jiġu żgurati moduli ta’ taħriġ immirati lejn ir-rispett tad-drittijiet fundamentali.

1.11.

Il-KESE jqis li huwa kruċjali li l-Aġenzija tiddedika proporzjon sinifikanti tal-baġit tagħha għall-immodernizzar tat-tagħmir tagħha.

1.12.

Skont il-KESE, iċ-ċiklu politiku strateġiku pluriennali għall-ġestjoni Ewropea integrata tal-fruntieri, jeħtieġ ikun ddefinit mill-PE u mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Kumitat, filwaqt li l-ippjanar annwali għandu jiġi ddelegat lill-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, bl-obbligu li jingħata rendikont annwali dwar l-azzjonijiet konklużi, il-bilanċi impenjati u l-miżuri implimentati.

1.13.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni internazzjonali, il-Kumitat jirrakkomanda li jkun hemm rabta mill-qrib bejn l-azzjonijiet taħt ir-Regolament propost, u l-iżvilupp ta’ politiki rilevanti oħrajn, b’mod partikolari permezz tal-Ftehim ta’ Cotonou.

1.14.

Il-Kumitat jirrakkomanda li jissaħħaħ il-Forum konsultattiv li jassisti lill-Aġenzija bil-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rilevanti, u jitlob li s-soċjetà ċivili organizzata tkun assoċjata mal-attivitajiet tal-Forum, permezz tal-KESE.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fi spazju ta’ moviment liberu, il-fruntieri esterni jsiru fruntieri komuni li llum huma itwal minn 50 000 kilometru, bil-konsegwenza li problema ta’ sigurtà fi Stat Membru jew fil-fruntieri esterni tiegħu tista’ taffettwa lill-Istati Membri kollha.

2.1.1.

Għalhekk il-fiduċja reċiproka hija l-bażi ta’ spazju komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, speċjalment quddiem sfidi ġodda, theddid mifrux u fenomeni imprevedibbli, li jirrikjedu: kooperazzjoni akbar; interventi ta’ riżorsi kwalifikati; informazzjoni mtejba; essenzjalment, hija meħtieġa solidarjetà konkreta, li tgħaqqad u ssaħħaħ il-ġabra tal-valuri ta’ kull Stat individwali.

2.2.

Fit-Trattat ta’ Lisbona, ir-regolamentazzjoni tal-fruntieri hija pprevista fit-Tielet Parti tat-Titolu V tat-TFUE, fil-Kapitolu dwar il-politiki dwar il-viżi, l-asil u l-immigrazzjoni, bl-għan li tinħoloq “sistema integrata ta’ ġestjoni għall-fruntieri esterni”, kif previst mill-Artikolu 77(1)(c) tat-TFUE u din ir-regolamentazzjoni għandha l-għan li toħloq “Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”.

2.3.

Mill-istess qari tat-Trattati, huwa ċar li l-moviment liberu taċ-ċittadini fl-Unjoni, jeħtieġ ikun akkumpanjat minn politika komuni dwar il-ġestjoni u l-kontroll tal-persuni li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi.

2.3.1.

Estensjoni ulterjuri tal-kontrolli attwali u li mhumiex suffiċjenti fil-fruntieri esterni, jew l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli interni ġodda oħrajn, joħolqu spejjeż ekonomiċi kbar għall-UE kollha, li jagħmlu ħsara serja lis-suq uniku, li jirrappreżenta wieħed mill-aqwa suċċessi tal-integrazzjoni Ewropea.

2.4.

Il-ġestjoni Ewropea integrata tal-fruntieri, ibbażata fuq il-mudell ta’ kontroll tal-aċċess fuq erba’ livelli, tinkludi:

miżuri fil-pajjiżi terzi, bħal dawk previsti taħt il-politika komuni tal-viżi,

miżuri ma’ pajjiżi terzi ġirien,

miżuri għal kontroll akbar u aħjar fil-fruntieri esterni,

analiżi tar-riskji u l-miżuri fiż-żona Schengen u r-rimpatriju.

2.5.

Wara li l-ewwel nħoloq netwerk magħmul minn esperti nazzjonali, taħt il-patroċinju ta’ korp komuni ta’ esperti msejjaħ SCIFA (1) fl-2002-2003, ġiet stabbilita l-Aġenzija Ewropea ta’ Koordinazzjoni għall-kontroll fil-fruntieri, jiġifieri l-Frontex (2).

2.6.

L-Aġenzija ta’ koordinazzjoni ġiet sostitwita fl-2016 (3), fuq l-esperjenza tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, bl-għan li jittejjeb il-kontroll fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri u taż-żona Schengen, sabiex:

tipprovdi għal valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-kapaċità tal-persuni tal-Istati Membri fil-kontroll tal-fruntieri;

torganizza operazzjonijiet konġunti u interventi rapidi fil-fruntieri biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jikkontrollaw il-fruntieri esterni, u li jindirizzaw sfidi kkawżati mill-immigrazzjoni illegali jew mill-kriminalità organizzata;

tassisti lill-Kummissjoni fil-koordinazzjoni tat-timijiet ta’ appoġġ meta Stat Membru jiffaċċja pressjonijiet migratorji sproporzjonati f’żoni partikolari fil-fruntiera esterna;

tiżgura rispons prattiku f’każijiet li jkunu jeħtieġu azzjoni urġenti fil-fruntieri esterni;

tipprovdi assistenza teknika u operattiva biex jiġu appoġġjati operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ għal persuni fil-periklu fuq il-baħar waqt operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri;

tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ riżerva ta’ intervent rapidu ta’ mill-inqas 1 500 gwardja tal-fruntiera;

taħtar uffiċjali ta’ kollegament tal-Aġenzija fl-Istati Membri;

torganizza, tikkoordina u twettaq operazzjonijiet u interventi ta’ rimpatriju;

tippromovi l-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar il-ġestjoni tal-fruntiera.

2.7.

Minn meta ġiet stabbilita f’Ottubru 2016, l-Aġenzija Ewropea tal-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta saret ċentru tal-UE għar-rimpatriju (4) li kapaċi tappoġġja b’mod effettiv lill-Istati Membri fir-ritorn ta’ dawk li ma għandhom ebda dritt li jibqgħu fl-UE.

2.8.

Il-Parlament Ewropew tkellem dwar il-kwistjoni f’diversi riżoluzzjonijiet u esprima “tħassib kbir dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (UE) 2016/1624)” u tenna “li l-operazzjonijiet bi skopijiet multipli għandhom jitmexxew mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta bl-għan li jirreaġixxu għall-ħtieġa li jkunu preżenti l-assi marittimi ta’ tiftix u salvataġġ (5), kif ukoll għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri.

2.9.

Il-Kumitat adotta riżoluzzjoni (6) favur iż-żona Schengen fejn stieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiżguraw it-tħaddim tal-libertà tal-moviment, u enfasizza, f’waħda mill-Opinjonijiet tiegħu (7), il-ħtieġa li “(Frontex) tkun akkumpanjata minn titjib fit-trasparenza fir-rigward tal-governanza tagħha, l-azzjonijiet tagħha u l-kapaċità tagħha li tagħti rendikont”.

2.10.

Il-KESE enfasizza wkoll (8) il-ħtieġa li tittejjeb “il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Frontex u l-awtoritajiet nazzjonali”, “il-koordinazzjoni bejn id-diversi aġenziji u istituzzjonijiet li huma kompetenti fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri, tas-sorveljanza tal-kosta, tas-sigurtà marittima, tas-salvataġġ fuq il-baħar, tad-dwana u tas-sajd” u enfasizza li jkun ta’ benefiċċju jekk “il-ġestjoni tal-fruntieri esterni jekk tiġi adottata b’mod parallel ma’ reviżjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil”.

2.11.

“Meta persuni jkunu f’sitwazzjoni ta’ riskju għal ħajjithom jew għas-sigurtà tagħhom fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, kemm dawk marittimi kif ukoll dawk tal-art, l-ewwel obbligu tal-gwardja tal-fruntiera u ta’ korpi oħrajn li jaħdmu fuq il-post huwa li jsalvawhom u jgħinuhom kif ikun xieraq” (9).

2.12.

Kif jidher ċar kemm fl-Aġenda tal-UE dwar il-Migrazzjoni kif ukoll fil-Global Compact for Safe, Orderly and Regular Migration (10) (Patt Globali għal Migrazzjoni Mingħajr periklu, f’Ordni u Regolari), il-KESE jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li tittejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni billi jiġu indirizzati l-“kawżi primarji li jħeġġu lin-nies biex ifittxu ħajja f’post ieħor”.

3.   Il-proposti tal-Kummissjoni

3.1.

Il-proposta tal-KE għandha l-għan li tirriforma l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, billi tistabbilixxi l-kapaċitajiet ġodda tal-Aġenzija, b’mod partikolari billi tipprevedi korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-akkwist ta’ tagħmir li jkun tal-Aġenzija stess, biex tkun tista’ twettaq kompiti oħrajn, ġodda u potenzjali, b’mod adegwat.

3.2.

Abbażi tal-ispejjeż totali tal-mandat attwali u futur ta’ EUR 1,22 biljun, għall-perjodu 2019-2020 u ta’ EUR 11,27-il biljun għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni qed tipproponi li tistabbilixxi korp permanenti għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, b’setgħat eżekuttivi u magħmul minn persunal operattiv (11) ta’ 10 000 membru, sal-2020, biex l-Aġenzija jkollha fergħa operattiva, effikaċi u flessibbli sabiex tadatta l-impenn tal-Aġenzija skont il-ħtiġijiet operattivi.

3.3.

Il-ħolqien tal-korp permanenti għandu jsib postu f’Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li taħdem sew u li fiha l-Istati Membri, l-Unjoni u l-aġenziji tal-UE (12), b’mod partikolari l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, għandhom ikunu kkoordinati kif xieraq u jikkontribwixxu għall-kisba ta’ għanijiet politiċi komuni u kondiviżi.

3.4.

Il-proposti jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit (ħlief kooperazzjoni possibbli li għandha tiġi definita) filwaqt li l-applikazzjoni tagħhom tiġi sospiża għal Ġibiltà. Però l-proposti huma estiżi għall-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità ta’ Liechtenstein, fir-rigward tal-iżvilupp tar-regoli ta’ Schengen.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-Kumitat huwa konvint li f’żona ta’ moviment liberu l-fruntieri esterni jeħtieġ jitqiesu bħala fruntieri komuni u min jidħol fi kwalunkwe parti tat-territorju tal-Unjoni jidħol fl-ispazju komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, bid-drittijiet u d-dmirijiet kollha li dan jinvolvi.

4.2.

Il-KESE jemmen li nħela wisq żmien għall-implimentazzjoni tas-sistema integrata ta’ ġestjoni tal-fruntieri esterni, kif previst fl-Artikolu 77(2)(d) tat-TFUE, b’mod konsistenti ma’ definizzjoni definittiva miftiehma bejn l-Istati Membri kollha.

4.3.

Il-Kumitat jaqbel mal-għan li l-UE jista’ jkollha l-kapaċitajiet meħtieġa biex tipproteġi l-fruntieri esterni, tipprevjeni l-movimenti sekondarji u twettaq b’mod effikaċi ir-rimpatriju tal-migranti irregolari, meta l-Aġenzija tingħata fergħa operattiva li tkun tagħha stess u konsistenti.

4.4.

Il-Kumitat kien l-ewwel istituzzjoni li ppropona l-ħolqien ta’ Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (13) u jappoġġja bis-sħiħ dan l-objettiv biex il-fruntieri esterni jkunu siguri, permezz ta’ korp permanenti u ġestjoni Ewropea effettiva u integrata tal-fruntieri esterni. Fi spirtu ta’ responsabbiltà kondiviża, l-Aġenzija, għandha twettaq rwol ta’ monitoraġġ regolari tal-gestjoni tal-fruntieri esterni, mhux biss permezz tal-għarfien tas-sitwazzjoni u l-analiżi tar-riskji, iżda wkoll permezz tal-preżenza ta’ persunal espert tagħha fl-Istati Membri.

4.5.

Il-KESE jemmen li f’każijiet ta’ sfidi speċifiċi u sproporzjonati fil-fruntieri esterni, l-Aġenzija għandha tkun tista’ tintervjeni, fuq talba ta’ Stat Membru, billi torganizza u tikkoordina interventi rapidi fil-fruntieri billi tibgħat – bi qbil u b’koordinazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, li għandu jibqa’ responsabbli mill-ġestjoni tas-sezzjonijiet tiegħu tal-fruntieri esterni – timijiet tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

4.6.

Filwaqt li l-Kumitat jikkunsidra li l-interventi individwali tal-Aġenzija, fuq deċiżjoni tal-KE, huma utli, “f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u skont proċedura trasparenti li tipprevedi li l-leġislaturi Ewropej (il-Parlament u l-Kunsill) jiġu infurmati minnufih” (14), iqis li huwa prematur li, fin-nuqqas ta’ qafas definit u kondiviż mill-Istati Membri kollha dwar politika dwar il-migrazzjoni tal-UE u ta’ għajnuna għall-iżvilupp fil-pajjiżi tal-emigrazzjoni, il-Kummissjoni tingħata d-delega permanenti ta’ setgħa li tadotta atti ta’ definizzjoni awtonoma tal-prijoritajiet politiċi u ta’ linji gwida strateġiċi għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri.

4.7.

Min-naħa l-oħra l-Kumitat jaqbel li l-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni għall-manwali EUROSUR u FADO, ir-regoli komuni għall-oqfsa tas-sitwazzjonijiet u għall-ġestjoni tar-riskju, kif ukoll għall-appoġġ finanzjarju lill-korp permanenti.

4.8.

Skont il-KESE, iċ-ċiklu politiku strateġiku pluriennali għall-ġestjoni Ewropea integrata tal-fruntieri, għandu jkun ddefinit mill-PE u mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Kumitat, filwaqt li l-ippjanar annwali jiġi delegat lill-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, skont pjan direzzjonali ddefinit mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija bil-kundizzjoni li jingħata rendikont annwali dwar l-azzjonijiet konklużi, il-bilanċi impenjati u l-missjonijiet mwettqa.

4.9.

Il-Kumitat iqis li huwa importanti li jissaħħaħ il-Forum konsultattiv li jgħin lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija fi kwistjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali u mal-implimentazzjoni taċ-ċiklu politiku strateġiku pluriennali, bil-parteċipazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil-EASO, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati u ta’ organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn u jitlob li s-soċjetà ċivili organizzata tkun assoċjata mal-attivitajiet tal-Forum, permezz tal-KESE.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu approfonditi l-mekkaniżmi ta’ kontroll msemmija fl-Anness V b’rabta mal-użu ta’ armi tan-nar, fir-rigward tar-rifjut jew tal-għoti ta’ viżi fil-fruntiera, peress li t-tnejn huma prerogattivi importanti għall-amministrazzjonijiet responsabbli għall-ordni pubbliku fl-Istati Membri.

5.1.1.

Għandha tingħata attenzjoni simili għall-Anness III u l-Anness V biex tiġi żgurata l-koerenza bejn ir-regolamenti nazzjonali u dawk Ewropej għall-prevenzjoni ta’ mġiba differenti fost persuni li jaħdmu fl-istess post, bl-istess ħiliet u kwalifiki, iżda b’regoli differenti ta’ reklutaġġ.

5.2.

Il-livell ta’ obbligi previst fl-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-privatezza, għandu jkun garantit b’mod espliċitu.

5.3.

Il-KESE jemmen li minħabba l-kopreżenza ta’ korpi differenti ta’ aġenti tal-fruntiera – doganali, fitosanitarji, ta’ sigurtà, tal-finanzi, tal-immigrazzjoni u tar-rimpatriju, ta’ medjazzjoni kulturali, uffiċjali għad-drittijiet fundamentali, persunal tal-EASO, aġenti tal-ETIAS, analisti tal-EUROSUR, uffiċjali ta’ kollegament, minbarra persunal nazzjonali tal-fruntiera u dak tal-Aġenzija – huwa essenzjali li jiġu garantiti pakketti tal-UE ta’ taħriġ kontinwu bejn il-korpi u bejn l-aġenziji tal-UE (15).

5.4.

Jeħtieġ ikun żgurat ukoll li ma jkunx hemm diskriminazzjoni fit-trattament u l-kundizzjonijiet tax-xogħol bejn il-korp tal-Aġenzija u l-korpi nazzjonali, bl-istess taħriġ, ħiliet u kwalifiki, li jkunu jwettqu l-istess dmirijiet.

5.5.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni internazzjonali, il-Kumitat jirrakkomanda rabta mill-qrib bejn l-azzjonijiet previsti mir-Regolament propost u l-politiki rilevanti oħra, kif ukoll mal-azzjonijiet dwar Ftehimiet kummerċjali u ekonomiċi u, b’mod partikolari, fl-ambitu tad-djalogu bejn l-UE u l-pajjiżi tal-AKP skont il-Ftehim ta’ Cotonou.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Kumitat Strateġiku dwar l-Immigrazzjoni, il-Fruntieri u l-Asil (SCIFA)

(2)  Stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1), imbagħad emendat mir-Regolamenti (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 30), (UE) Nru 1168/2001 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 1) u (UE) Nru 1052/2013 (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 11).

(3)  Bir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1) li daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Ottubru 2016.

(4)  S’issa l-UE kkonkludiet 17-il ftehim ta’ riammissjoni. Il-Ftehim ta’ Cotonou, (il-qafas tal-UE ma’ 79 pajjiż tal-AKP), jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar ir-rimpatriju ta’ migranti irregolari lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 93).

(6)  ĠU C 133, 14.4.2016, p. 1

(7)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 109

(8)  Ara n-nota 7 f’qiegħ il-paġna.

(9)  Ibidem.

(10)  Https://www.iom.int/global-compact-migration.

(11)  Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

(12)  Ara fost l-oħrajn, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) u ċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea, il-EUROPOL jew l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (EU LISA).

(13)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29; ĠU C 303, 19.8.2016, p. 109; l-Opinjoni tal-KESE dwar “Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil (AMF) u Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri” (SOC/600, ĠU C 62, 15.2.2019, p. 184).

(14)  Ara n-nota 7 f’qiegħ il-paġna.

(15)  L-Artikolu 69 jistabbilixxi il-kooperazzjoni tal-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ma’ tnax-il aġenzija u servizz oħrajn tal-Unjoni.


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/67


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil dwar il-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online”

Kontribut mill-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja f’Salzburg mid-19 sal-20 ta’ Settembru 2018

(COM(2018) 640 final — 2018-0331 (COD))

(2019/C 110/13)

Relatur:

José Antonio MORENO DÍAZ

Konsultazzjoni

Kunsill Ewropew, 24.10.2018

Parlament Ewropew, 22.10.2018

Bażi legali

Artikoli 114(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Deċiżjoni tal-Bureau

11.12.2018

Adottat fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni tal-plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

126/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva għal aktar sigurtà għar-residenti tal-UE: madankollu, fid-dibattitu bejn is-sigurtà u l-libertà, dan il-Kumitat dejjem kien favur id-difiża meħtieġa tal-libertajiet, fosthom dik tal-espressjoni, dik tal-aċċess għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni kif ukoll il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, u finalment, dik tal-aċċess għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għall-proċedura ġusta mingħajr dewmien.

1.2.

L-attakki terroristiċi reċenti fit-territorju tal-UE wrew kif it-terroristi jużaw in-netwerks soċjali b’mod mhux xieraq għar-reklutaġġ ta’ segwaċi u biex iħejjuhom. It-terroristi jużaw modi ta’ komunikazzjoni kkodifikati biex jippjanaw u jiffaċilitaw attivitajiet terroristiċi u l-Internet biex jigglorifikaw l-atroċitajiet tagħhom, kif ukoll sabiex jħeġġu lill-oħrajn jagħmlu l-istess u jnisslu l-biża’ fil-pubbliku ġenerali.

1.3.

Il-KESE jitlob li jiġu speċifikati bl-aktar mod preċiż possibbli l-kriterji biex jiġu definiti kunċetti legali vagi bħal “informazzjoni terroristika, atti terroristiċi, gruppi terroristiċi, jew glorifikazzjoni tat-terroriżmu.

1.4.

Kontenut terroristiku kondiviż online għal dawn l-iskopijiet jinxtered permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jippermettu li jittella’ kontenut ta’ partijiet terzi. Il-kontenut terroristiku online kien strumentali fir-radikalizzazzjoni u l-ispirazzjoni tal-attakki mill-hekk imsejħa lpup solitarji f’diversi attakki terroristiċi reċenti fl-Ewropa.

1.5.

Bl-istess mod, il-prevenzjonijiet teknoloġiċi (parametri awtomatizzati, algoritmi, magni tat-tiftix, eċċ.) huma utli ħafna, iżda l-intervent tal-fattur uman huwa essenzjali bħala medjatur u intermedjatur fil-valutazzjoni adegwata ta’ dan il-kontenut.

1.6.

Il-KESE jiddikjara l-ħtieġa ta’ ġlieda kontra t-tixrid ta’ informazzjoni terroristika u r-reklutaġġ diġitali fuq netwerks soċjali. Hemm ukoll il-ħtieġa ta’ ġlieda kontra ċ-ċensura jew l-awtoċensura imposti fuq l-Internet. Il-Kumitat ifakkar li, fil-qasam tal-Internet, huwa essenzjali li r-residenti kollha tal-UE jiġu ggarantiti dritt konkret għall-informazzjoni u dritt għal-libertà tal-opinjoni.

1.7.

Il-protezzjoni tal-Internet u l-ġlieda kontra l-gruppi radikali għandhom jgħinu biex tittejjeb il-fiduċja fl-Internet u għalhekk jiġi ggarantit l-iżvilupp ekonomiku ta’ din il-fergħa tal-ekonomija.

1.8.

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evalwati l-effetti tal-implimentazzjoni ta’ din il-proposta fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll il-possibbiltà ta’ implimentazzjoni ta’ tranżizzjoni li tiffaċilita l-adattament tal-SMEs u ma taffettwax il-kompetizzjoni ħielsa għall-vantaġġ tal-operaturi kbar.

1.9.

Il-miżuri regolatorji proposti biex jipproteġu l-Internet u jiggarantixxu l-protezzjoni taż-żgħażagħ u l-popolazzjoni jenħtieġ li jkunu rregolati strettament mil-liġi u jiggarantixxu lil kulħadd id-dritt għall-informazzjoni u rikors kontra deċiżjonijiet amministrattivi.

1.10.

Il-KESE jisħaq dwar il-ħtieġa li l-fornituri tal-aċċess jiġu vvalutati wkoll u li l-operaturi tan-netwerks soċjali jadottaw miżuri proattivi biex jippromovu d-denunċja u l-azzjoni diretta tal-assoċjazzjonijiet, NGOs, u utenti kontra dan il-kontenut: dawn il-“kontradizzjonijiet” għandu jkollhom valur biex jaġixxu b’mod preventiv.

1.11.

L-għadd kbir ta’ pjattaformi diġitali f’livell Ewropew u d-differenza fid-daqs ta’ dawn l-intrapriżi jenħtieġ li jitqiesu fir-rigward tal-adattament għat-termini tal-proposta għal dawn l-intrapriżi ż-żgħar.

1.12.

Il-KESE jinsisti li l-utenti għandhom jiġu mfakkra b’mod ċar dwar ir-regolamenti nazzjonali dwar l-użu jew il-produzzjoni ta’ kontenut terroristiku. Jitlob ukoll li jkun jista’ jiġi garantit d-dritt ta’ appell kontra deċiżjoni amministrattiva permezz ta’ spjegazzjoni ċara ta’ dan id-dritt kif ukoll għodod online biex jiġi eżerċitat dan id-dritt.

2.   Kuntest tal-proposta

2.1.

L-ubikwità tal-Internet tippermetti lill-utenti jikkomunikaw, jaħdmu, jissoċjalizzaw, joħolqu, jiksbu u jaqsmu informazzjoni u kontenut ma’ mijiet ta’ miljuni ta’ individwi madwar id-dinja: għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex jipprevjenu l-komunikazzjoni u t-tixrid ta’ kontenut terroristiku (1).

2.2.

Huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-kunċetti u l-kelma “Internet” hija wisq globali. L-Internet jirreferi kemm għall-web, kif ukoll għan-netwerks soċjali bħad-Darknet (netwerk moħbija). Huwa wkoll in-netwerk ta’ oġġetti li jaġixxu bħala lakuni ta’ sigurtà ovvji fi gwerra elettronika. Pereżempju, dawk li jieħdu ħsieb ir-reklutaġġ tal-ISIS illum il-ġurnata jikkomunikaw aktar faċilment permezz ta’ consoles tal-logħob online milli permezz tal-web. Il-frażi “għat-tħejjija u l-iffaċilitar ta’attivitajiet terroristiċi” ma tapplikax għall-Internet, jew għan-netwerks soċjali, iżda tapplika għad-Darknet. Barra minn hekk, l-intrapriżi l-kbar tal-Internet GAFAM m’għandhomx attivitajiet fuq id-Darknet jew f’netwerks kriptati.

2.3.

Madankollu, il-kapaċità li tintlaħaq udjenza kbira bħal din bl-anqas spejjeż possibbli tattira wkoll il-kriminali li jridu jagħmlu użu ħazin mill-Internet għal skopijiet illegali. Attakki terroristiċi reċenti fl-UE wrew kif it-terroristi jagħmlu użu ħażin mill-Internet biex iħejju u jirreklutaw lis-sostenituri, biex jippreparaw u jiffaċilitaw l-attività terroristika, biex jigglorifikaw l-atroċitajiet tagħhom u jħeġġu lill-oħrajn jagħmlu l-istess u jnisslu l-biża’ fil-pubbliku ġenerali.

2.4.

Huwa minnu li l-Forum tal-UE dwar l-Internet ġabar diversi atturi iżda mhux il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting kollha involvew ruħhom fil-Forum u t-tieni nett, l-iskala u l-pass tal-progress fost il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting b’mod ġenerali mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw din il-problema b’mod adegwat. Jenħtieġ li jsir sforz speċifiku għal taħriġ adegwat ta’ medjaturi fi ħdan in-netwerks soċjali.

2.5.

Kontenut terroristiku maqsum onlajn għal dawn l-iskopijiet jinxtered permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jippermettu li jittella’ kontenut ta’ partijiet terzi. Dan il-kontenut kien strumentali fir-radikalizzazzjoni u l-ispirazzjoni tal-attakki mill-hekk imsejħa “lpup solitarji”, bħal dak prodott f’diversi attakki terroristiċi fl-Ewropa. Barra minn hekk ħareġ fid-dieher li dan kellu influwenza kbira fuq iż-żgħażagħ.

3.   Sommarju u kummenti ġenerali dwar il-proposta għal Regolament

3.1.

Il-KESE diġà esprima l-pożizzjoni (2) tiegħu dwar il-kontenut illegali online: din l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni hija speċifikament dwar il-kontenut terroristiku online.

3.2.

Il-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-proposta jinkludi fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li joffru s-servizzi tagħhom fi ħdan l-UE, indipendentement mill-post ta’ stabbiliment jew mid-daqs tagħhom.

3.3.

Aħna nifhmu li jenħtieġ li jiġu inkorporati l-fornituri ta’ informazzjoni u magni tat-tiftix u siti jew netwerks ta’ akkoljenza.

3.4.

Intrapriżi tal-Internet ta’ daqs żgħir u medju m’għandhomx il-kapaċitajiet tekniċi umani u finanzjarji biex jaġixxu b’mod effettiv kontra l-kontenut terroristiku. Il-KESE jqis li hemm bżonn li l-iskadenzi u l-proċeduri jkunu jistgħu jiġu adattati għal dan it-tip ta’ negozju. Għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, tista’ tingħata skadenza għall-implimentazzjoni tar-Regolament.

3.5.

Għandhom barra minn hekk jiġu vvalutati l-miżuri preventivi u proattivi adottati mill-NGOs, it-trejdjunjins u s-soċjetà ċivili b’mod ġenerali.

3.6.

Biex tiġi żgurata t-tneħħija ta’ kontenut terroristiku, ir-Regolament jintroduċi ordni ta’ tneħħija li jista’ jinħareġ bħala deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja minn awtorità kompetenti fi Stat Membru. F’każijiet bħal dawn il-fornitur tas-servizzi online huwa obbligat ineħħi l-kontenut jew jagħlaq l-aċċess għalih fi żmien siegħa.

3.7.

Id-definizzjoni ta’ kontenut terroristiku tista’ tinbidel f’kull pajjiż u huwa importanti li dan jiġi ċċarat sabiex jiġu evitati l-arbitrarjetà u l-inċertezza legali.

3.8.

L-iskadenza ta’ siegħa mhix realistika minħabba li, pereżempju fi Franza, iż-żmien li attwalment jgħaddi bejn in-notifika u l-eliminazzjoni tas-sors huwa ta’ 16-il siegħa għall-pedofili u ta’ 21 siegħa għal siti terroristiċi, minħabba li l-karatterizzazzjoni tas-siti teħtieġ ħafna ħin. Il-KESE huwa tal-fehma li għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien aktar realistiku u effettiv.

3.9.

Ir-Regolament jeħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, fejn xieraq, jieħdu miżuri proattivi proporzjonati mal-livell ta’ riskju u jneħħu l-materjal terroristiku mis-servizzi tagħhom, permezz tal-iskjerament ta’ għodod ta’ skoperta awtomatizzati, fost mezzi oħra. Dan huwa fundamentali u jenħtieġ li niddikjaraw u nippromovu sforz ta’ innovazzjoni teknoloġika biex inkunu nistgħu nibnu għodda teknoloġika.

3.10.

Il-Kummissjoni tipproponi l-użu ta’ għodod awtomatiċi ta’ detezzjoni, fost mezzi oħra, u tappella lill-intrapriżi jagħmlu sforz sinifikanti biex isostnu l-investigazzjonijiet għall-kostruzzjoni ta’ għodod teknoloġiċi adatti.

3.11.

Bħala parti mill-miżuri biex jiġi protett il-kontenut li mhuwiex kontenut terroristiku minn tneħħija bi żball, il-proposta tistabbilixxi obbligi li jitpoġġew fis-seħħ mekkaniżmi ta’ rimedju u ta’ ilment biex jiġi żgurat li l-utenti jistgħu joġġezzjonaw it-tneħħija tal-kontenut tagħhom. Barra minn hekk, ir-Regolament jintroduċi obbligi dwar it-trasparenza għall-miżuri meħuda kontra kontenut terroristiku minn fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, u b’hekk jiżgura kontabilità lejn l-utenti, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi.

3.12.

Irridu ninsistu mhux biss fuq l-isforz ta’ kontroll u ta’ reviżjoni tal-kontenut, iżda wkoll fuq l-isforz tal-medjazzjoni umana u teknoloġika. Il-kwistjoni taċ-ċensura min-naħa tal-medjaturi umani tista’ tkun ta’ tħassib kbir f’termini ta’ rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u anke ta’ konformità mar-regoli tad-drittijiet għall-informazzjoni u r-rispett lejn il-ħajja privata tar-residenti kollha tal-UE.

3.13.

Il-KESE jqis li l-fornitur għandu jinforma lis-sid tas-sit jew tal-informazzjoni li jixtieq jiċċensura. Għandu jitfakkar li jeżisti d-dritt tal-persuni li jiġu informati b’deċiżjoni amministrattiva.

3.14.

Sabiex jiġi ggarantit id-dritt tal-persuni dwar deċiżjoni amministrattiva, il-KESE jitlob lill-fornituri ta’ aċċess biex jindikaw fil-politiki tagħhom ta’ kontenut id-drittijiet u d-dmirijiet tal-klijenti, bħal kif ser jinnotifikaw lill-produtturi bl-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet ta’ tneħħija u l-mezzi legali disponibbli għall-klijenti.

4.   Spjegazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

4.1.

Il-propaganda online tat-terroristi għandha l-iskop li tħeġġeġ lill-individwi jwettqu attakki terroristiċi, inkluż billi jagħtuhom struzzjonijiet dettaljati dwar kif jagħmlu l-aktar ħsara possibbli. Aktar propaganda tinħareġ normalment wara atroċitajiet bħal dawn, li biha jigglorifikaw dawn l-atti u jħeġġu lil oħrajn biex jagħmlu l-istess. Dan ir-Regolament jikkontribwixxi għall-ħarsien tas-sigurtà pubblika, billi jnaqqas l-aċċessibilità għal kontenut terroristiku li jippromovi u jħeġġeġ il-ksur tad-drittijiet fundamentali.

4.2.

Fir-rigward tad-definizzjonijiet, il-proposta ssemmi li, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, nifhmu li:

“fornitur ta’ servizzi ta’ hosting” tfisser fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta minn u fuq it-talba tal-fornitur tal-kontenut u meta jagħmel l-informazzjoni maħżuna disponibbli għal partijiet terzi; (3)

“fornitur ta’ kontenut” tfisser utent li pprovda informazzjoni li hija, jew li kienet, maħżuna fuq talba tal-utent minn fornitur ta’ servizzi ta’ hosting (4);

il-KESE jipproponi li għandu jiġi inkorporat punt ġdid, li jinkludi:

fornituri ta’ informazzjoni: magni tat-tiftix li jippermettu l-identifikazzjoni tal-kontenut u l-aċċess tiegħu.

4.3.

Fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “kontenut terroristiku”, din tfisser waħda jew aktar mill-informazzjoni li ġejja

(a)

l-inċitament jew il-promozzjoni, inkluż permezz tal-glorifikazzjoni, l-ikkummissjonar ta’ reati terroristiċi li b’hekk jikkawżaw il-periklu li dawn l-atti jitwettqu;

(b)

l-inkoraġġiment tal-kontribut għal reati terroristiċi;

(c)

il-promozzjoni tal-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, b’mod partikolari bl-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni fi grupp terroristiku jew l-appoġġ għalihom fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva (UE) 2017/541;

(d)

l-għoti ta’ struzzjonijiet fuq metodi jew tekniki għall-fini li jitwettqu reati terroristiċi (5);

il-KESE jipproponi li għandu jiġi inkorporat punt ġdid, li jinkludi:

ir-reklutaġġ u l-għoti ta’ mezzi lill-persuni bil-għan li jikkommettu jew jappoġġaw atti terroristiċi.

4.4.

Id-definizzjoni tal-kontenut li ser jiġi ċensurat hija qasira ħafna minħabba li hemm bosta testi, stampi, filmati kif ukoll kontenut u format ieħor li ma jigglorifikawx – peress li ma jħeġġux atti konkreti — iżda jippromovu u jagħtu ġih lil duttrina estremista li twassal għall-vjolenza.

4.5.

Ir-Regolament jikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra l-intrapriżi li bl-attivitajiet tagħhom jiffaċilitaw u jivvalutaw duttrina estremista li twassal għall-vjolenza. Ir-Regolament għandu jikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra r-reklutaġġ ta’ persuni permezz tan-netwerks soċjali.

4.6.

L-Artikolu 1 jistabbilixxi s-suġġett, li jindika li r-Regolament jistabbilixxi regoli li jevitaw l-użu ħażin ta’ servizzi ta’ hosting għat-tixrid ta’ kontenut terroristiku online, inklużi d-dmirijiet ta’ kura fuq fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u miżuri li għandhom jitpoġġew fis-seħħ mill-Istati Membri.

4.7.

Jenħtieġ li jiġi sostitwit it-terminu ta’ użu abbużiv ta’ servizzi ta’ hosting għat-tixrid online ta’ kontenut terroristiku permezz taż-żieda tat-tixrid ta’ kontenut, messaġġi jew mezzi ta’ reklamar u inkluża wkoll l-indikazzjoni ta’ URLs u informazzjoni għall-aċċess għal kontenut jew messaġġi terroristiċi, minħabba li dan jinvolvi magni tat-tiftix.

4.8.

L-Artikolu 5 jistabbilixxi rekwiżit li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jimplimentaw miżuri biex jivvalutaw malajr kontenut li għalih issir referenza minn awtorità kompetenti fi Stat Membru jew korp tal-UE, mingħajr madanakollu ma jimponi rekwiżit li jitneħħa l-kontenut li għalih issir referenza u mingħajr ma jistabbilixxi skadenzi speċifiċi għat-teħid ta’ azzjoni.

4.9.

Mill-KESE nifhmu li jekk irridu nkunu effettivi, jenħtieġ li nibdew naħdmu fuq lista ta’ kriterji – numerus clausus – biex niddefinixxu t-tipi ta’ kontenut u messaġġi ta’ natura terroristika jew li jigglorifika t-terroriżmu fl-interess taċ-ċertezza legali, bil-għan li tiġi evitata l-arbitrarjetà fid-deċiżjonijiet biex jitneħħa l-kontenut kif ukoll biex jitħarsu d-drittijiet tal-informazzjoni u l-libertà tal-opinjoni Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jorbot il-kriterji preskritti li jippermettu li l-livell Ewropew jikkaratterizza kemm il-kontenut kif ukoll l-informazzjoni dwar gruppi terroristiċi identifikati, l-informazzjoni li tiġġudika t-terroriżmu jew tiġġustifika atti terroristiċi tal-passat u l-informazzjoni teknika jew metodoloġika li tiffaċilita l-produzzjoni ta’ armi li huma kapaċi li jikkawżaw attakk jew l-appelli bi skopijiet ta’ reklutaġġ.

4.10.

L-Artikolu 14 jipprevedi l-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt kemm mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting kif ukoll mill-Istati Membri biex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejniethom, b’mod partikolari fir-rigward ta’ riferimenti u ordnijiet ta’ tneħħija. Fl-interessi tas-sigurtà tad-drittijiet tal-bniedem involuti, il-KESE jifhem li dawn il-punti ta’ kuntatt għandhom jinkludu mħallfin speċjalizzati biex jidentifikaw problemi u taħriġ mhux biss fl-identifikazzjoni ta’ attitudnijiet, imġiba jew azzjonijiet ta’ natura terroristika iżda wkoll fit-teknoloġija. Dawn il-kwalitajiet għandhom ikunu meħtieġa kemm mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting kif ukoll minn dawk maħtura mill-Istati Membri, sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejniethom, b’mod partikolari fir-rigward ta’ rekwiżiti u ordnijiet ta’ tneħħija.

4.11.

Ir-Regolament jenħtieġ li jispeċifika l-obbligu għall-fornituri tas-servizzi ta’ hosting biex jipprovdu informazzjoni aċċessibbli għal kulħadd għall-funzjonament tajjeb tal-punti ta’ kuntatt u biex jiddefinixxu l-kontenut u l-forma ta’ komunikazzjoni mal-membri ta’ dawk il-punti.

4.12.

L-Artikolu 16 jeħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li m’għandhomx stabbiliment f’xi Stat Membru, iżda li joffru servizzi fi ħdan l-UE, jaħtru rappreżentant legali fl-UE: fil-fehma tal-KESE huwa meħtieġ li dan ir-rekwiżit jiġi estiż għall-fornituri ta’ aċċess u industriji tal-Internet biex jinkludu magni tat-tiftix, netwerks soċjali, applikazzjonijiet tal-Internet mit-telefon u industriji tal-logħob.

4.13.

Il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting attivi fuq l-Internet għandhom rwol essenzjali fl-ekonomija diġitali billi joħolqu konnessjoni bejn in-negozju u ċ-ċittadini billi jiffaċilitaw id-dibattitu pubbliku u d-distribuzzjoni u l-wasla tal-informazzjoni, l-opinjonijiet u l-ideat, jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE. Il-KESE jemmen li jenħtieġ li jiġi estiż ukoll għall-fornituri ta’ servizzi tal-Internet, servizzi ta’ hosting ta’ kontenut, netwerks soċjali diġitali, u intrapriżi li jipprovdu servizzi tat-telefon diġitali.

4.14.

Il-proposta għal Regolament tistabbilixxi serje ta’ miżuri li jenħtieġ li jiġu implimentati mill-Istati Membri biex jidentifikaw il-kontenut terroristiku, biex jippermettu t-tneħħija rapida tagħhom mll-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra, ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u, fejn xieraq, ma’ korpi rilevanti tal-UE, u l-KESE jifhem li dan kollu huwa meħtieġ biex jiġi llimitat il-kontenut relatat mat-terroriżmu, biex jippermetti s-soppressjoni rapida tiegħu min-naħa tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u biex inaqqas l-attivitajiet ta’ propaganda u reklutaġġ ta’ terroristi permezz tal-Internet.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewrope

Luca JAHIER


(1)  COM(2018) 640 final.

(2)  ĠU C 237, 6.7.2018, p. 19.

(3)  COM(2018) 640 final, Artikolu 2(1)

(4)  COM(2018) 640 final, Artikolu 2(2)

(5)  COM(2018) 640 final, Artikolu 2(5)


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 fir-rigward tal-proċedura ta’ verifika relatata mal-ksur ta’ regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew”

(COM(2018) 636 final — 2018/0328 (COD))

(2019/C 110/14)

Relatur ġenerali:

Marina YANNAKOUDAKIS

Konsultazzjoni

Il-Parlament Ewropew, 1.10.2018

Il-Kunsill, 24/10/2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Deċiżjoni tal-Bureau

16.10.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni tal-plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

109/2/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa għal dan ir-Regolament fid-dawl tal-avvenimenti reċenti bil-każ ta’ Facebook/Cambridge Analytica fir-rigward il-proċessar illegali allegat ta’ data personali.

1.2.

Il-KESE jirrikonoxxi li, fid-dinja tal-lum, l-iżviluppi teknoloġiċi, il-midja soċjali u l-ħażna ta’ data personali minn kumpaniji madwar l-UE huma ċertezza. Il-ħtieġa ta’ dawn l-għodod hija indiskutabbli hekk kif qed nimxu f’dinja b’teknoloġija għolja globali. L-isfida hija li nimxu f’dan il-qasam b’mod li jipproteġi liċ-ċittadini tal-UE, jippermetti t-trasparenza u l-libertà tad-drittijiet fundamentali tagħhom tal-bniedem.

1.3.

L-użu tad-data u l-midja soċjali biddlu b’mod fundamentali l-mod kif il-partiti jmexxu kampanji f’elezzjonijiet, li jippermettulhom jimmiraw lill-votanti potenzjali. Dan l-iżvilupp wassal għal spinta ikbar tal-midja soċjali bħala forma ta’ kif jiġu influwenzati l-intenzjonijiet tal-vot tal-poplu. Il-KESE jistenna li l-Awtorità għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (1) (l- “Awtorità”) tħares lejn oqsma fejn ksur tad-data jista’ jseħħ u tissuġġerixxi modi biex dan jieqaf u ddaħħal kontrolli u bilanċi fis-seħħ sabiex tiżgura l-protezzjoni tad-data u li l-użu ta’ data huwa fi ħdan il-parametri definiti sew.

1.4.

Il-KESE jappoġġja l-objettivi tal-proposta, jaqbel li d-demokrazija hija wieħed mill-valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-UE; u biex jiġi żgurat il-funzjonament ta’ demokrazija rappreżentattiva fuq livell Ewropew, it-trattati jistabbilixxu li ċ-ċittadini tal-UE huma rrappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew (PE).

1.5.

Din ir-rappreżentazzjoni tieħu l-forma ta’ membri eletti minn wieħed miż-żewġ partiti politiċi jew individwi fi Stati Membri li joħorġu għall-elezzjoni. Il-pjattaforma tal-elezzjoni żviluppat matul l-aħħar deċennju bi rwol akbar tal-midja soċjali. Dan l-iżvilupp issa jeħtieġ li jiġi indirizzat mill-Kummissjoni Ewropea (KE) u l-Awtorità biż-żieda fil-persunal tiegħu li huwa mod wieħed kif jiġi żgurat li d-data personali tkun protetta u ma tintużax ħażin biex isir gwadann politiku. Fl-indirizzar ta’ dan, il-prijorità hija li jiġi żgurat li l-elezzjonijiet jiżvolġu fuq kundizzjonijiet ekwi u l-ebda grupp ma jista’ jieħu vantaġġ permezz tal-użu ta’ data.

1.6.

Madankollu, biex jiġi żgurat li l-Awtorità taħdem b’mod korrett għandu jkun hemm parametri sikuri fir-rigward tas-setgħat u l-kompetenzi tagħha. Fil-preżent, l-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Data (DPAs) tal-Istati Membri qegħdin hemm biex jiżguraw li ma jkunx hemm użu ħażin tad-data minn partiti politiċi. It-termini ta’ kooperazzjoni bejn l-Awtorità u d-DPAs nazzjonali jeħtieġ li jkunu definiti sew. Barra minn hekk, id-DPAs f’ħafna Stati Membri jħabbtu wiċċhom ma’ riżorsi limitati u l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-finanzjament tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaħdmu mal-Awtorità.

1.7.

Il-KESE kien ġibed l-attenzjoni għall-problemi possibbli għal użu ħażin tad-data fl-opinjoni tiegħu dwar Il-protezzjoni tad-data personali (2) u f’din l-opinjoni indirizza l-oqsma ta’ tħassib.

1.8.

Il-KESE jappoġġja persunal addizzjonali tal-Awtorità bil-ħsieb li dan il-persunal se jkun f’pożizzjoni aħjar biex jaħdem mal-Istati Membri permezz tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data biex jiżguraw li l-ksur tal-protezzjoni tad-data jiġi investigat kif inhu xieraq u fejn jinstab jiġu applikati sanzjonijiet.

1.9.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-proċeduri għall-elezzjonijiet tal-PE huma rregolati mill-Istati Membru fi ħdan il-qafas tal-UE. Il-KESE jistenna wkoll li l-ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad-data jista’ jinġibed għall-attenzjoni tal-Awtorità jew mid-DPAs jew minn partijiet individwali.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1.

Avvenimenti riċenti wrew ir-riskji għaċ-ċittadini li jkunu fil-mira ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni tal-massa online maħsuba bil-għan li jiskreditaw u jneħħu l-leġittimità tal-elezzjonijiet. Id-data personali tal-persuni hija wkoll maħsuba li ġiet illegalment użata ħażin sabiex taffettwa d-dibattitu demokratiku u l-elezzjonijiet ħielsa.

2.2.

F’Mejju 2018, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) daħal fis-seħħ, u stabbilixxa regoli b’saħħithom dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni ta’ data personali. Huwa jkopri lill-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali kollha u atturi oħra fil-kuntest elettorali inklużi sensara tad-data u pjattaformi ta’ midja soċjali.

2.3.

Qabel l-elezzjonijiet tal-2019 għall-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet għadd ta’ bidliet iffukati għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (3), li għandhom l-għan li jiżguraw li l-elezzjonijiet isiru skont regoli demokratiċi b’saħħithom u b’rispett sħiħ tal-valuri Ewropej tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali.

2.4.

B’mod partikolari, il-bidliet proposti se jippermettu li jiġu sanzjonati l-partiti politiċi Ewropej jew fondazzjonijiet li jinfluwenza jew jippruvaw jinfluwenzaw l-elezzjonijiet permezz ta’ ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad-data. Sanzjonijiet jammontaw għal 5 % tal-baġit annwali tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni kkonċernati. Is-sanzjoni se tiġi infurzata mill-Awtorità. Barra minn hekk, dawk li nstabu fi ksur ma jkunux jistgħu japplikaw għal finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena li fiha tkun ġiet imposta s-sanzjoni.

2.5.

Il-proposta tistabbilixxi wkoll proċedura sabiex tivverifika jekk il-ksur tal-protezzjoni tad-data identifikat minn awtorità superviżorja dwar il-protezzjoni tad-data nazzjonali ntuża biex jinfluwenza l-eżitu tal-elezzjonijiet tal-PE, li tinvolvi “kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti” li jaġixxi fuq talba tal-Awtorità. Il-Kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti ġie stabbilit permezz tal-Artikolu 11 tar-Regolament. Huwa kompost minn sitt esperti li jinħatru iżda mhumiex impjegati mill-KE, il-PE u l-Kunsill.

2.6.

Sabiex jiġi żgurat li l-Awtorità għandha biżżejjed persunal biex twettaq dmirijietha b’mod indipendenti u effettiv, huwa barra minn hekk ippropona ż-żieda ta’ seba’ membri tal-persunal (għal persunal attwali ta’ tlieta, li jinkludi d-direttur).

3.   Kummenti Ġenerali

3.1.

Il-KESE jappoġġja l-objettivi tal-proposta u jaqbel li d-demokrazija hija wieħed mill-valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-UE. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament ta’ demokrazija rappreżentattiva fil-livell Ewropew, it-trattati jistabbilixxu li ċ-ċittadini tal-UE huma rrappreżentati b’mod dirett fil-Parlament Ewropew. Bħala tali, huwa vitali li ċ-ċittadini tagħha jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt demokratiku tagħhom mingħajr restrizzjoni jew tfixkil. Kwalunkwe interferenza mal-għażla ħielsa matul il-proċess tal-elezzjoni mhijiex demokratika u hi inaċċettabbli.

3.2.

Il-KESE jirrikonoxxi l-użu akbar ta’ data personali f’kampanji elettorali. Fl-elezzjoni tar-Renju Unit tal-2017 aktar minn 40 % ta’ reklamar minfuq minn attivisti intefaq fuq kampanji diġitali. Peress li dan ikun il-każ, l-attrazzjoni ta’ data personali mmirata għal ċerti gruppi hija komprensibbli. Madankollu, mhuwiex aċċettabbli li d-data personali tiġi kondiviża mingħajr l-għarfien tal-persuna, u dan huwa abbuż fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem.

3.3.

L-iżvilupp tal-web, il-veloċità ta’ informazzjoni li qed tiġi trasmessa u l-implikazzjonijiet globali jeħtieġu approċċ sod lejn is-sigurtà tad-data maħżuna. Il-GDPR tistabbilixxi regoli robusti għal dan. B’mod partikolari, id-data personali trid tiġi pproċessata skont il-liġi u b’mod ġust. Fis-sitwazzjoni attwali, il-partiti politiċi jisgħu’ leġittimament jużaw d-data skont il-regoli tal-GDPR, fl-limiti ta’ ċerti parametri. L-iżvilupp ta’canvasing politiku sar aktar dipendenti fuq il-midja soċjali. Li wieħed jipprova jwaqqaf dan kompletament mhux neċessarjament iservi l-proċess demokratiku għax jillimita l-possibbiltajiet tal-partijiet politiċi biex jgħarrfu lill-votanti potenzjali bil-manifest tagħhom.

3.4.

Il-KESE jagħraf s-sovranità tal-Istati Membri fil-proċess elettorali u l-Kummissjoni trid taħdem fi ħdan it-tali sovranità tal-Istat Membru. L-UE ma tkunx tista’ tilleġisla s-sanzjonar ta’ partiti politiċi nazzjonali peress li din hija kompetenza tal-Istati Membri. Għalhekk, l-UE tista’ biss tipproponi miżuri li jissanzjonaw lil partiti politiċi fil-livell Ewropew. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni tipproponi emenda tar-Regolament li jirregola l-istatut u l-finanzjament tagħhom. Dan se jsaħħaħ lill-Awtorità fil-konklużjoni tagħha meta l-użu ħażin ġie ppruvat.

4.   Kummenti speċifiċi u rakkomandazzjonijiet

4.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-Awtorità attwalment hija nieqsa mill-persunal. Id-Direttur u żewġ membri tal-persunal tagħha diġà għandhom xogħol kbir ħafna u l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin se jpoġġu aktar pressjoni fuqhom. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-proposta biex il-persunal tal-Awtorità jintgħażel b’mod permanenti u li s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra jingħataw lid-Direttur tal-Awtorità, peress li huwa essenzjali li hija jkollha biżżejjed manodopera biex tissorvelja l-elezzjonijiet sew.

4.2.

L-użu tad-data u l-midja soċjali biddlu b’mod fundamentali l-mod kif il-partiti jmexxu kampanji f’elezzjonijiet, li jippermettulhom jimmiraw lill-votanti potenzjali. Dan l-iżvilupp wassal għal spinta ikbar tal-midja soċjali bħala forma ta’ kif jiġu influwenzati l-intenzjonijiet tal-vot tal-poplu. Il-KESE jistenna li l-Awtorità tħares lejn oqsma fejn ksur tad-data jista’ jseħħ u jissuġġerixxu modi biex dan jieqaf u ddaħħal kontrolli u bilanċi fis-seħħ sabiex tiżgura li l-protezzjoni tad-data u l-użu ta’ data hija f’limiti ta’ parametri definiti sew.

4.3.

Il-KESE jissuġġerixxi li hija meħtieġa kjarifika akbar biex tikkostitwixxi dak li huwa tentattiv sabiex jiġu influwenzati l-elezzjonijiet permezz ta’ ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad-data. It-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma li jikkonsisti minn DPAs tal-Istati Membri u l-Awtorità għandu jiġi eżaminat, bl-għan li tiġi stabbilita l-aħjar prattika ta’ xogħol kemm bejn l-Awtorità u d-DPAs peress li l-protezzjoni tad-data m’għandiex fruntieri fi ħdan l-UE.

4.4.

Id-Direttur tal-Awtorità jinħatar permezz ta’ proċedura kif iddikjarat fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament. Huwa jkun/Hija tkun indipendenti u mhux responsabbli lejn l-istituzzjonijiet tal-UE. Huwa jkollu jippreżenta/Hija jkollha tippreżenta rapport annwali lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew, u jista’ jkun prudenti li l-PE jingħata poter biex jiddubita dan ir-rapport u biex jivvota fuqu. Dan jiżgura li l-Awtorità għandha xi responsabbiltà u li l-proċess ikun aktar trasparenti.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  www.appf.europa.eu

(2)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 123.

(3)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża”

(COM(2018) 476 final)

(2019/C 110/15)

Relatur:

Aurel Laurenţiu PLOSCEANU

Korelatur:

Eric BRUNE

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 2.7.2018

Kunsill, 4.7.2018

Deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat

10.7.2018

Bażi legali

L-Artikoli 173(3) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Korp kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-CCMI

22.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

200/1/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fil-fehma tal-KESE, huwa imperattiv li l-Istrateġija Globali tal-UE u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża jiġu implimentati b’mod konsistenti u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u tan-NATO ta’ Lulju 2016, kif ukoll mal-prinċipju ta’ sigurtà kollettiva tan-Nazzjonijiet Uniti.

1.2.

Il-KESE ilu mill-2017 jippromovi l-ħolqien ta’ Unjoni Ewropea għad-Difiża (EDU) u jappoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża, inkluż l-istabbiliment ta’ Fond Ewropew għad-Difiża komuni. Aħna nemmnu li dan it-tisħiħ tad-difiża Ewropea mhuwiex maħsub biex idgħajjef imma pjuttost issaħħaħ ir-relazzjonijiet man-NATO u dawk transatlantiċi.

1.3.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża skont il-QFP 2021-2027 li ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Ġunju 2018.

1.4.

Il-KESE qed isejjaħ biex isir progress kwalitattiv sinifikanti fil-kooperazzjoni Ewropea tad-difiża. Tabilħaqq, kooperazzjoni limitata bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-difiża tiġġenera duplikazzjonijiet u riżultati f’industrija tad-difiża li għadha fframmentata ħafna. In-nuqqas ta’ integrazzjoni min-naħa tad-domanda tas-suq ma jistimolax kooperazzjoni transnazzjonali bejn l-impriżi u integrazzjoni ulterjuri tal-industrija. Dan jikkawża allokazzjoni ineffiċjenti ta’ riżorsi, trikkib tal-kapaċitajiet industrijali, diskrepanzi teknoloġiċi u nuqqas ta’ programmi ġodda, speċjalment programmi kollaborattivi.

1.5.

Il-KESE jappoġġja l-objettiv ta’ awtonomija strateġika, bl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin f’oqsma kritiċi u kapaċitajiet strateġiċi. Dan l-objettiv huwa relatat b’mod strett mal-ħtieġa għal valutazzjoni u koordinazzjoni sodi sabiex jiġi żgurat li dawk it-teknoloġiji jkunu jistgħu jiġu akkwistati, miżmuma u prodotti fil-livell Ewropew, filwaqt li jippermettu lill-UE tieħu deċiżjonijiet u taġixxi b’mod awtonomu jekk meħtieġ.

1.6.

Il-KESE jemmen li kundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet għad-difiża komuni hija li tissaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea.

1.7.

Il-KESE jenfasizza li l-Unjoni Ewropea teħtieġ li taħdem biex iżżomm, iġġedded u tiżviluppa forza tax-xogħol b’ħiliet ta’ livell għoli u tipproteġi lill-ħaddiema b’tali ħiliet.

1.8.

Il-KESE jipproponi li l-Unjoni Ewropea għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex tarmonizza r-regoli dwar l-esportazzjoni fi ħdan l-Unjoni.

1.9.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ li tingħata attenzjoni speċjali lill-SMEs, anke n-negozji ġodda, inkluż fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp għal finijiet ta’ difiża.

1.10.

Il-KESE jenfasizza li l-baġit tal-UE b’appoġġ tal-attivitajiet ta’ difiża ma għandux jissostitwixxi jew ikun sostitut għall-infiq nazzjonali għad-difiża, iżda pjuttost għandu jagħti spinta u jaċċellera aktar kooperazzjoni tad-difiża u kooperazzjoni tad-difiża aħjar. Bl-istess mod, il-baġit tal-UE għar-riċerka fil-qasam tad-difiża ma għandux jiġi allokat għad-detriment tar-riċerka ċivili f’setturi oħra. Anke jekk id-deċiżjonijiet dwar l-investiment tad-difiża u l-programmi tal-iżvilupp fil-qasam tad-difiża jibqgħu l-prerogattiva tal-Istati Membri, l-EDF jista’ jagħti lill-UE valur miżjud billi jinċentiva r-riċerka konġunta dwar il-prodotti u t-teknoloġiji fil-qasam tad-difiża u l-iżvilupp tagħhom.

1.11.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li politika tad-difiża Ewropea aktar armonizzata u simplifikata tista’ ġġib magħha titjib fl-effiċjenza billi żżid s-sehem fis-suq tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea u billi tqassam aħjar il-prodotti bejn l-istati, ir-reġjuni u l-kumpaniji.

1.12.

Fond Ewropew għad-difiża se jagħmel differenza biss jekk dan jappoġġa l-attivitajiet li huma tassew importanti. Il-programmi ta’ ħidma tiegħu għandhom għalhekk ikunu stabbiliti fuq il-bażi ta’ proċess ta’ ippjanar Ewropew għad-difiża b’saħħtu li jidentifika l-prijoritajiet ta’ kapaċitajiet kruċjali għall-Ewropa.

1.13.

Il-KESE jappoġġja politika ta’ kooperazzjoni li se tippromovi l-involviment tal-SMEs kif ukoll tal-pajjiżi li mhumiex firmatarji tal-Ittra ta’ Intenzjoni, mingħajr iżda ma jkunu minsija l-ħiliet li dawn jistgħu jżidu mal-bażi industrijali u teknoloġika tal-industrija tad-difiża.

1.14.

Il-KESE jappoġġja l-proposta li jiġi limitat il-benefiċċju tal-fondi Ewropej f’każ ta’ kumpaniji Ewropej ikkontrollati mill-istess entità, u li jintalbu garanziji meta pajjiż terz jieħu sehem fi żviluppi appoġġjati mill-Fond Ewropew għad-Difiża.

1.15.

Il-KESE jappoġġja l-idea li l-fondi Ewropej għandhom jiġu ġestiti mill-Kummissjoni Ewropea, iżda jemmen li l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża tista’ tintervjeni b’mod utli fid-definizzjoni tal-ħtiġijiet tat-tagħmir tad-difiża u fl-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Armamenti (OCCAR), billi tieħu vantaġġ minn dawk l-esperjenzi li mhux dejjem kienu pożittivi, u jagħti s-sehem tiegħu fil-ġestjoni tal-programmi, peress li d-duplikazzjoni tal-ħiliet fil-qasam tkun ta’ detriment għall-effettività tas-sistema.

1.16.

Il-KESE jappoġġja l-idea li r-riċerka u l-iżvilupp jridu jiġu ppreżentati lil kumitat tal-etika. Il-kundizzjonijiet etiċi għandhom jiġu spjegati b’mod ċar u vvalutati diġà fl-evalwazzjoni tal-proposta biex tkun żgurata ċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali.

1.17.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-futur tal-kooperazzjoni mar-Renju Unit wara l-Brexit, u jargumenta favur sigurtà u difiża b’saħħithom li jinkludu l-assoċjazzjoni tar-Renju Unit mal-FEŻ.

1.18.

Il-KESE jemmen li l-kontinent tagħna li qed jixjieħ qed iħossu mhedded, filwaqt li juri tendenza li jwaħħal fil-problemi u xi kultant joħloq konfużjoni bejniethom bħat-terroriżmu u l-movimenti migratorji u m’għandux biżżejjed solidarjetà kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom, b’qawmien mill-ġdid tan-nazzjonaliżmu u reġimi awtoritarji madwar l-Unjoni Ewropea kollha, li jpoġġu d-demokrazija tagħna taħt pressjoni. Għodda tal-politika industrijali interessanti daqs il-Fond Ewropew għad-Difiża mhux se twarrabna minn aktar riflessjoni dwar il-politika ta’ difiża Ewropea.

2.   Preżentazzjoni tal-proposta

2.1.

Il-kuntest ġeopolitiku ma baqax stabbli tul l-aħħar deċennju: aħna qed niffaċċjaw ambjent kumpless u impenjattiv li fih qed ifeġġ theddid ġdid, bħal attakki ibridi u ċibernetiċi, u qed jerġgħu jitfaċċjaw sfidi aktar konvenzjonali.

2.2.

Fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-25 ta’ Marzu 2017 f’Ruma, il-mexxejja ta’ 27 Stat Membru u l-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ddikjaraw li l-Unjoni se ssaħħaħ is-sigurtà u d-difiża komuni tagħha, u trawwem industrija tad-difiża aktar kompetittiva u integrata.

2.3.

Id-difiża Ewropea qed iġġarrab ċerti ineffiċjenzi sinifikanti tas-suq marbuta ma’ ekonomiji ta’ skala mhux sfruttati (frammentazzjoni tas-swieq nazzjonali b’xerrej uniku) u duplikazzjoni tar-riżorsi fil-livell Ewropew.

2.4.

Id-domanda tiġi kważi esklussivament mill-Istati Membri, iżda l-baġits tad-difiża tagħhom, b’mod partikolari għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż), kellhom tnaqqis sostanzjali fl-aħħar 10 snin.

2.5.

Fl-2015, 16 % biss tat-tagħmir tad-difiża ġie akkwistat b’akkwist kollaborattiv Ewropew, li hu ferm ’il bogħod mill-valur referenzjarju kollettiv ta’ 35 % li ġie miftiehem mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża.

2.6.

Is-settur tad-difiża huwa fframmentat ħafna bejn il-fruntieri nazzjonali, b’duplikazzjoni sostanzjali u l-ineffiċjenzi konsegwenti fir-rigward tan-nuqqas ta’ kisba ta’ ekonomiji ta’ skala u tagħlim.

2.7.

Is-sitwazzjoni attwali mhijiex sostenibbli u l-iżvilupp ta’ sistemi tad-difiża kbar tal-ġenerazzjoni li jmiss qed kulma jmur titbiegħed milli titwettaq minn Stati Membri individwali.

2.8.

In-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jkompli jdgħajjef il-kapaċità tal-industrija tad-difiża tal-UE milli ssostni l-kapaċitajiet industrijali u teknoloġiċi meħtieġa biex tippreserva l-awtonomija strateġika tal-UE u tissodisfa l-ħtiġijiet tas-sigurtà attwali u futuri tagħha.

2.9.

Fis-7 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tniedi l-Fond Ewropew għad-Difiża, magħmula minn “twieqi” għar-riċerka u l-kapaċitajiet, akkumpanjata bi proposta leġislattiva għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp Industrijali fil-Qasam tad-Difiża taħt it-tieqa għall-kapaċitajiet.

2.10.

Il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża skont il-QFP 2021-2027 ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Ġunju 2018.

2.11.

Il-Fond Ewropew għad-Difiża huwa maħsub bħala strument li jrawwem il-kompetittività u l-innovattività tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża tal-UE u b’hekk jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-UE. L-istrument huwa mfassal biex iħeġġeġ programmi kooperattivi li ma jkunux possibbli mingħajr il-kontribuzzjoni tal-UE u biex jipprovdi l-inċentivi meħtieġa sabiex tingħata spinta lill-kooperazzjoni f’kull stadju taċ-ċiklu industrijali.

2.12.

Se jitħeġġu b’mod partikolari proġetti kollaborattivi li jkollhom parteċipazzjoni transkonfinali sinifikanti min-naħa tal-intrapriżi żgħar u medji. Dan se jiżgura li l-EDF jibqa’ miftuħ għal benefiċjarji mill-Istati Membri kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom u l-post fejn jinsabu.

2.13.

Il-proposta tipprevedi data ta’ applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021 u hija ppreżentata għal unjoni ta’ 27 Stat Membru.

2.14.

Filwaqt li r-riċerka fil-qasam tad-difiża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Orizzont Ewropa), id-dispożizzjonijiet korrispondenti speċifiċi għar-riċerka fil-qasam tad-difiża – bħall-objettivi, ir-regoli tal-parteċipazzjoni, il-mekkaniżmi ta’ forniment – huma speċifikati f’din il-proposta.

2.15.

Il-proposta tfittex li tiżgura sinerġiji ma’ inizjattivi oħra tal-UE fil-qasam tar-R&Ż ċivili, bħas-sigurtà u ċ-ċibersigurtà, il-kontroll fil-fruntieri, il-gwardja tal-kosta, it-trasport marittimu u l-ispazju.

2.16.

Se jkun hemm rabtiet mill-qrib bejn il-Fond u l-proġetti implimentati fil-qafas ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) fid-difiża.

2.17.

Il-Fond se jqis il-pjan tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet (CDP) tal-UE, li jidentifika l-prijoritajiet tal-kapaċitajiet tad-difiża u r-rieżami annwali kkoordinat tal-UE dwar id-difiża (CARD).

2.18.

F’dan il-kuntest, jistgħu jitqiesu wkoll attivitajiet rilevanti mwettqa mill-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) u msieħba oħra meta l-attivitajiet ikunu jservu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni.

2.19.

Il-Fond iqis ukoll l-attivitajiet tad-difiża implimentati permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, strument estrabaġitarju propost barra mill-QFP.

2.20.

Din il-proposta tipprevedi l-possibbiltà ta’ taħlit ta’ appoġġ mill-Fond ma’ finanzjament sostnut mill-Fond InvestEU.

2.21.

Il-Fond għandu jintuża biex jiġu indirizzati nuqqasijiet tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment li mhumiex ottimali, b’mod proporzjonat u mingħajr ma jiġi rduppjat jew soppress il-finanzjament privat, u għandu jkollu valur miżjud Ewropew ċar.

2.22.

L-Unjoni jeħtieġ terfa’ iżjed responsabbiltà biex tipproteġi l-interessi u l-valuri tagħha u l-istil ta’ ħajja Ewropew, b’mod komplementari u b’kooperazzjoni man-NATO.

2.23.

Biex tkun imħejjija għat-theddid tal-ġejjieni u tħares liċ-ċittadini tagħha, l-Unjoni jeħtieġ issaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha. Dan jirrikjedi li jiġu żviluppati teknoloġiji ewlenin f’oqsma kritiċi u kapaċitajiet strateġiċi ħalli tkun żgurata t-tmexxija teknoloġika.

2.24.

Id-deċiżjonijiet dwar l-investimenti tad-difiża u l-programmi tal-iżvilupp fil-qasam tad-difiża jibqgħu l-prerogattiva u r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

2.25.

L-approċċ tal-politika propost huwa proporzjonat għall-iskala u l-gravità tal-problemi li ġew identifikati. L-inizjattiva hija limitata għall-miri li l-Istati Membri ma jistgħux jilħqu biżżejjed waħedhom u fejn l-UE hija mistennija li tagħti sehemha aħjar.

2.26.

F’April 2017 tnediet l-Azzjoni Preparatorja għar-Riċerka dwar id-Difiża b’baġit totali ta’ EUR 90 miljun fuq tliet snin. Minkejja l-fatt li l-proġetti kollha għadhom għaddejjin, fl-2018 ġew iffirmati l-ewwel ftehimiet tal-għotjiet u għalhekk din l-azzjoni diġà bdiet tagħti l-ewwel riżultati konkreti.

2.27.

Ir-Regolament propost dwar il-Programm Industrijali Ewropew tad-Difiża għall-2019-2020 se jkollu baġit ta’ EUR 500 miljun u għandu jibda jopera mill-1 ta’ Jannar 2019.

2.28.

Mit-13 ta’ Jannar sad-9 ta’ Marzu 2018, twettqet konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-EDF għall-partijiet ikkonċernati kollha. Ġiet espressa xi kritika mill-perspettiva etika, iżda l-partijiet ikkonċernati affettwati direttament jappoġġaw l-inizjattiva. Ir-regoli dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali jeħtieġ li jiġu adattati għad-difiża.

2.29.

L-allokazzjoni tal-baġit proposta għall-2021-2027 hija ta’ EUR 13-il biljun (fi prezzijiet kurrenti), li minnhom EUR 4,1 biljun huma għall-azzjonijiet tar-riċerka u EUR 8,9 biljun għall-azzjonijiet ta’ żvilupp.

2.30.

Soġġett għal konferma tal-kosteffiċjenza permezz ta’ analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, il-fond jista’ jitmexxa minn Aġenzija Eżekuttiva tal-Kummissjoni.

2.31.

Qed tiġi proposta skema ta’ monitoraġġ li tappoġġja r-rappurtar dwar il-prestazzjoni u l-evalwazzjoni. Ir-riżultati se jkunu disponibbli b’mod progressiv.

2.32.

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP 2021-2027 stabbilixxiet mira aktar ambizzjuża għall-integrazzjoni tal-kwistjonijiet klimatiċi fil-programmi kollha tal-UE b’mira globali ta’ 25 % tan-nefqa tal-UE li tikkontribwixxi għall-objettivi klimatiċi. Il-kontribuzzjoni tal-EDF biex tintlaħaq din il-mira globali se tiġi segwita permezz ta’ sistema ta’ markaturi klimatiċi tal-UE fil-livell xieraq ta’ diżaggregazzjoni, inkluż bl-użu ta’ metodoloġiji aktar preċiżi meta dawn ikunu disponibbli.

2.33.

Il-proposta tipprevedi data tal-applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għat-talbiet li diġà għamel fl-Opinjonijiet CCMI/149 (2017), CCMI/116 (2013) u CCMI/100 (2012). L-istrateġija Globali tal-UE u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża jipprevedu wkoll approċċi importanti għal dan il-għan. Fil-fehma tal-KESE, huwa imperattiv li dawn l-inizjattivi jiġu implimentati b’mod konsistenti u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u tan-NATO ta’ Lulju 2016 kif ukoll il-prinċipju ta’ sigurtà kollettiva tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.2.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi ġeostrateġiċi u l-iżviluppi fis-sigurtà, l-Ewropa għandha ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ sigurtà u difiża tagħha. Huwa essenzjali li jkun hemm fehim ċar tal-objettivi strateġiċi komuni tal-Unjoni: li għadu nieqes u jeħtieġ li jiġi żviluppat b’mod urġenti. Dan huwa prerekwiżit biex jiġu identifikati l-kapaċitajiet ta’ difiża meħtieġa li jeħtieġ li jiġu ssostanzjati permezz ta’ bazi teknoloġika u industrijali għad-difiża Ewropea sostenibbli.

3.3.

L-irtirar tal-Istati Uniti mill-ftehim nukleari li ġie ffirmat mal-Iran fl-2015, il-kriżi fl-Ukrajna, id-dimostrazzjonijiet inkwetanti tar-Russja fil-fruntieri tal-Istati Baltiċi u l-fruntiera tal-Lvant tal-UE, il-ħruq tal-ark tal-Libja-Iraq-Sirja, l-instabbiltà kontinwa fis-Saħel, il-konfrontazzjoni politika u militari potenzjali bejn l-assi tal-Istati Uniti-Iżrael-Saudi u l-assi tal-Iran-Sirja-Russja, ilkoll fl-isfond ta’ theddid ċibernetiku, żieda fl-awtoritarjaniżmu fl-Ewropa, u l-imprevedibbiltà għolja tad-diplomazija tal-Istati Uniti: l-ibbilanċjar strateġiku tal-UE rari kien daqshekk kumpless u inkwetanti.

3.4.

Il-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà kemm fi ħdan l-UE kif ukoll madwarha huma fost l-aktar tħassib predominanti taċ-ċittadini u tal-kapijiet tal-istati bl-istess mod.

3.5.

Mill-inqas jeħtieġ li jiġu indirizzati erba’ sfidi mill-UE, bl-aktar mod konsenswali possibbli: awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet, antiċipazzjoni tal-kriżijiet, influwenza politika u l-koerenza bejn l-interessi tagħna u l-prinċipji demokratiċi tagħna.

3.6.

Fl-2017, il-KESE ppromova l-ħolqien ta’ Unjoni Ewropea tad-Difiża (EDU) u appoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża, inkluż l-istabbiliment ta’ Fond Ewropew għad-Difiża komuni.

3.7.

Il-KESE talab li jsir progress kwalitattiv sinifikanti fil-kooperazzjoni Ewropea tad-difiża. Tabilħaqq, kooperazzjoni limitata bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-difiża tiġġenera duplikazzjonijiet u riżultati f’industrija tad-difiża li għadha fframmentata ħafna. In-nuqqas ta’ integrazzjoni min-naħa tad-domanda tas-suq ma jistimolax kollaborazzjoni transnazzjonali bejn l-impriżi u integrazzjoni ulterjuri tal-industrija. Dan jikkawża allokazzjoni ineffiċjenti ta’ riżorsi, trikkib tal-kapaċitajiet industrijali, diskrepanzi teknoloġiċi u nuqqas ta’ programmi ġodda, speċjalment programmi kollaborattivi.

3.8.

Il-KESE jappoġġja l-objettiv ta’ awtonomija strateġika f’oqsma ta’ teknoloġija u kapaċità industrijali kritiċi identifikati. Dan l-objettiv huwa relatat b’mod strett mal-ħtieġa għal valutazzjoni u koordinazzjoni sodi sabiex jiġi żgurat li dawk it-teknoloġiji jkunu jistgħu jiġu akkwistati, miżmuma u prodotti fil-livell Ewropew, filwaqt li jippermettu lill-UE tieħu deċiżjonijiet u taġixxi b’mod awtonomu jekk meħtieġ.

3.9.

Il-KESE japprova l-għażla li s-settur tad-difiża jiġi appoġġjat bħala politika industrijali xprunata mid-domanda.

3.10.

Il-KESE jaqbel li effiċjenza akbar fil-baġits nazzjonali għandha tagħmilha possibbli li tinkiseb kopertura tal-ħtiġijiet kollha Ewropej għat-tagħmir tad-difiża.

3.11.

Il-KESE jaqbel li l-koerenza bejn il-programmi fil-livell Ewropew għandha tagħmilha possibbli li jiżdied id-daqs tas-suq Ewropew moqdi mill-industrija Ewropea tad-difiża.

3.12.

Il-KESE ddikjara li kundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet għad-difiża komuni hija li tissaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea.

3.13.

Il-KESE jenfasizza li l-Unjoni Ewropea teħtieġ li taħdem biex tiżviluppa forza tax-xogħol b’ħiliet ta’ livell għoli u tipproteġi lill-ħaddiema b’tali ħiliet.

3.14.

Il-KESE jipproponi li l-Unjoni Ewropea għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex tarmonizza r-regoli dwar l-esportazzjoni fi ħdan l-Unjoni.

3.15.

Il-KESE jappoġġa bis-sħiħ li tingħata attenzjoni speċjali lill-SMEs inkluż fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp għal finijiet ta’ difiża.

3.16.

Il-KESE rrifjuta l-ftuħ ta’ fondi eżistenti, li jservu bħala objettivi ekonomiċi jew soċjali, għal finijiet tad-difiża.

3.17.

Il-KESE rrifjuta dispożizzjoni speċjali għal riżorsi baġitarji nazzjonali allokati għad-difiża skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. In-nefqa għad-difiża m’għandhiex tiddestabbilizza l-finanzi pubbliċi.

3.18.

Il-KESE appoġġa l-ħolqien ta’ Fond għad-Difiża b’żewġ twieqi li jkopru kemm ir-riċerka kif ukoll l-iżvilupp tal-kapaċitajiet. Dan jista’ jappoġġja t-tfassil ta’ proċess ta’ ppjanar integrat għall-investimenti fiċ-ċiklu teknoloġiku kollu. Id-deċiżjonijiet tal-akkwist għandhom jibqgħu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Forma ta’ akkwist konġunt, madankollu, tista’ ttejjeb l-effiċjenza tan-naħa tad-domanda u tikkontribwixxi għall-kompetittività u għall-effiċjenza tal-industrija Ewropea tad-difiża. Il-baġit tal-UE b’appoġġ għall-attivitajiet ta’ difiża ma għandux jissostitwixxi jew ikun sostitut għall-infiq nazzjonali għad-difiża, iżda pjuttost għandu jagħti spinta u jaċċellera aktar kooperazzjoni tad-difiża u kooperazzjoni tad-difiża aħjar. Bl-istess mod, il-baġit tal-UE għar-riċerka fil-qasam tad-difiża ma għandux jiġi allokat għad-detriment tar-riċerka ċivili f’setturi oħra. L-għan tal-EDF huwa li jħeġġeġ programmi kooperattivi u, b’appoġġ għall-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp, jipprovdi l-inċentivi meħtieġa biex tingħata spinta lill-kooperazzjoni f’kull stadju taċ-ċiklu industrijali. Anke jekk id-deċiżjonijiet dwar l-investimenti tad-difiża u l-programmi tal-iżvilupp fil-qasam tad-difiża jibqgħu l-prerogattiva tal-Istati Membri, l-EDF jista’ jagħti lill-UE valur miżjud billi jinċentiva riċerka konġunta dwar il-prodotti u t-teknoloġiji fil-qasam tad-difiża u l-iżvilupp tagħhom.

3.19.

Is-settur industrijali tad-difiża mhux biss għandu importanza strateġika għas-sigurtà u d-difiża taċ-ċittadini Ewropej, iżda huwa wkoll kontributur ewlieni għall-ekonomija u l-benesseri Ewropej b’fatturat totali ta’ madwar EUR 100 biljun/fis-sena u b’madwar 500 000 persuna b’ħiliet ta’ livell għoli impjegati direttament u indirettament. Dan is-settur huwa s-sors ta’ prodotti, servizzi u teknoloġiji avvanzati fejn l-isforzi fl-innovazzjoni u r-Riċerka & l-Iżvilupp (R&Ż) huma essenzjali għall-kompetittività.

3.20.

L-industrija Ewropea tad-difiża kif ukoll l-infiq R&Ż huma pjuttost ikkonċentrati fis-sitt pajjiżi tal-Ittra ta’ Intenzjoni (LoI) (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit), li jammontaw għal 95 % tal-investimenti, il-maġġoranza tal-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja kif ukoll kumpaniji ewlenin. Politika Ewropea tad-difiża aktar armonizzata u ssimplifikata tista’ ġġib kisbiet fl-effiċjenza permezz ta’ speċjalizzazzjoni ulterjuri tal-pajjiżi, ir-reġjuni jew il-kumpaniji f’ċerti teknoloġiji.

3.21.

Il-pajjiżi LoI jiddominaw is-suq Ewropew tad-difiża fir-rigward tal-għadd ta’ kumpaniji attivi u l-bejgħ tal-armi tagħhom. Pereżempju, fir-Renju Unit, BAE Systems hija l-akbar kumpanija tad-difiża. SAAB hija l-kumpanija ewlenija Żvediża tal-ajruspazju u tad-difiża, filwaqt li fi Franza, l-akbar kumpaniji huma Dassault Aviation, Naval Group, SafranThales. Fil-Ġermanja, ir-Rheinmetall, ThyssenKrupp Marine Systems u Diehl huma kumpaniji importanti. Fl-Italja, LeonardoFincantieri jirrappreżentaw iż-żewġ kumpaniji ewlenin. Airbus, kumpanija trans-Ewropea, tikklassifika fit-tieni post fl-Ewropa wara BAE Systems. Kumpanija transnazzjonali rilevanti oħra hija MBDA, impriża konġunta tat-tliet mexxejja Ewropej fl-ajruspazju u d-difiża (Airbus, BAE SystemsLeonardo) attiva fil-manifattura tal-missili u tas-sistemi tal-missili. U anke KNDS, is-sid ta’ Nexter u KMW, qed issir kumpanija trans-Ewropea. Għandu jiġi nnutat li xi wħud minn dawn il-kumpaniji ma joperawx b’mod esklussiv fis-suq tad-difiża, fatt li jispjega l-proporzjonijiet varji tal-bejgħ lill-impjegati.

Meta wieħed iħares lejn kumpaniji iżgħar, studju riċenti tal-IHS identifika kważi 1 600 SME attivi fis-settur tad-difiża fl-Ewropa u ħareġ stima li l-għadd totali ta’ SMEs fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża huwa ta’ 2 000-2 500. Fin-natura tagħhom, għadd ta’ dawn il-kumpaniji għandhom użu doppju, involuti kemm fil-qasam ċivili kif ukoll f’dak tad-difiża. Fi kwalunkwe każ, l-SMEs jaqdu rwol importanti fl-industrija tad-difiża u huma faċilitatur ewlieni għall-kompetittività.

3.22.

L-industrija Ewropea tad-difiża mhijiex mifruxa b’mod indaqs madwar l-UE. Dan jissuġġerixxi li żieda fl-infiq militari mill-Istati Membri tal-UE tista’ ma tasalx b’mod indaqs għand l-Istati Membri kollha. Jekk infiq ogħla f’pajjiż wieħed imur għand ditti f’pajjiżi oħra, dan jista’ jirriżulta fi flussi kummerċjali ġodda.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Fond Ewropew għad-difiża se jagħmel differenza biss jekk dan jappoġġa l-attivitajiet li huma tassew importanti. Il-programmi ta’ ħidma tiegħu għandhom għalhekk ikunu stabbiliti fuq il-bażi ta’ proċess ta’ ippjanar Ewropew għad-difiża b’saħħtu li jidentifika l-prijoritajiet ta’ kapaċitajiet kruċjali għall-Ewropa.

4.2.

Il-KESE jappoġġa politika ta’ kooperazzjoni li se tippromovi l-kooperazzjoni transfruntiera – l-involviment tal-SMEs, anke minn stati li mhumiex membri LoI, mingħajr, madankollu, ma mmorru lura għall-politiki ta’ dritt għal ritorn li xi drabi saħħew id-duplikazzjoni tal-ħiliet.

4.3.

Il-KESE jappoġġja l-proposta li jiġi limitat il-benefiċċju tal-fondi Ewropej lil kumpaniji Ewropej ikkontrollati mill-interessi Ewropej, u li jintalbu garanziji meta pajjiż terz jieħu sehem fi żviluppi appoġġjati mill-Fond Ewropew għad-Difiża.

4.4.

Il-KESE jappoġġja l-idea li l-għotja ta’ krediti Ewropej għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni Ewropea, iżda jemmen li l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża tista’ tintervjeni b’mod utli fid-definizzjoni tal-ħtiġijiet tat-tagħmir tad-difiża u fl-OCCAR, billi tieħu vantaġġ minn dawk l-esperjenzi li mhux dejjem kienu pożittivi, u tagħti s-sehem tagħha fil-ġestjoni tal-programmi, peress li d-duplikazzjoni tal-ħiliet fil-qasam tkun ta’ detriment għall-effettività tas-sistema.

4.5.

Il-KESE jappoġġja l-idea li r-riċerka u l-iżvilupp jridu jiġu ppreżentati lil kumitat tal-etika. Il-kundizzjonijiet etiċi għandhom jiġu spjegati b’mod ċar u vvalutati diġà fl-evalwazzjoni tal-proposta biex tkun żgurata ċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali.

4.6.

Il-KESE jappoġġja l-idea ta’ sovranità Ewropea industrijali fl-Ewropa iżda xorta waħda għandu dubji dwar it-twettiq politiku tagħha, peress li l-maġġoranza tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jqisu lilhom infushom bħala parti mill-alleanza Atlantika, filwaqt li bosta stati għadhom marbuta ma’ kunċett nazzjonali tas-sovranità.

4.7.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-futur ta’ kooperazzjoni mar-Renju Unit wara l-Brexit, u jargumenta favur sigurtà u sħubija b’saħħithom li jinkludu l-assoċjazzjoni tar-Renju Unit mal-EDF.

4.8.

Milquta mill-globalizzazzjoni, li hija ta’ tfixkil b’diversi modi, l-Ewropej diġà huma konxji ta’ xi wħud mill-iżbalji tagħhom u tal-illużjonijiet tagħhom. L-akbar żball tagħhom huwa n-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom. Il-politika ta’ astinenza strateġika, li ħallietna niffukaw fuq l-ekonomija u ġabitilna ħafna ġid matul il-Gwerra Bierda u sal-bidlu tas-seklu l-ġdid, issa saret l-ostakolu ewlieni tal-Ewropa.

4.9.

Għal żmien twil, l-Ewropa imponiet ir-rieda tagħha fuq id-dinja, l-ewwel fuqha stess u mbagħad mal-Istati Uniti. F’dinja fejn it-tisħin globali u r-reġimi awtoritarji qed jissaħħu dejjem aktar, l-inugwaljanzi tal-iżvilupp bejn il-pajjiżi kif ukoll fi ħdan il-pajjiżi qed isiru intollerabbli. Il-kontinent tagħna li qed jixjieħ qed iħossu mhedded, filwaqt li juri tendenza li jwaħħal fil-problemi u xi kultant joħloq konfużjoni bejniethom bħat-terroriżmu u l-movimenti migratorji, u m’għandux biżżejjed solidarjetà kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom, fil-kuntest ta’ qawmien mill-ġdid tan-nazzjonaliżmu u tal-awtoritarjaniżmu li qed ipoġġu pressjoni fuq id-demokraziji Ewropej. Għodda tal-politika industrijali interessanti daqs il-Fond Ewropew għad-Difiża mhux se twarrab lill-Unjoni Ewropea minn riflessjoni politika dwar dak li rridu niddefendu u kif irridu niddefenduh.

4.10.

Id-difiża Ewropea ma tirrigwardax biss it-theddid strateġiku, l-interventi esterni, il-kapaċità militari, l-innovazzjoni teknoloġika u l-eċċellenza industrijali. Peress li l-akbar theddida li l-Ewropej qed jiffaċċjaw illum il-ġurnata hija l-isfida fir-rigward tad-demokrazija Ewropea nnifisha, il-politika ta’ difiża komuni ma tistax tibqa’ tinjora din id-dimensjoni politika.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/82


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG)”

[COM(2018) 380 final]

(2019/C 110/16)

Rapporteur:

Vladimír NOVOTNÝ

Co-rapporteur:

Pierre GENDRE

Konsultazzjoni

Il-Parlament Ewropew, 11.6.2018

Il-Kunsill, 22.6.2018

Bażi ġuridika

L-Artikoli 175(3) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-CCMI

22.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

201/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni, li ser tippermetti l-kontinwazzjoni ta’ Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) wara l-31 ta’ Diċembru 2020. Il-KESE jirrakkomanda li fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG, li ġie estiż mhux biss biex ikopri s-sensji li jirriżultaw minn taqlib ekonomiku serju, iżda wkoll bħala riżultat ta’ kriżijiet finanzjarja u ekonomika globali ġodda, issa għandhom jitqiesu il-bidliet sostanzjali fl-impjieg minħabba pereżempju, l-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali, it-tranżizzjoni għal ekonomija mingħajr karbonju u l-konsegwenzi potenzjali ta’ tnaqqis fil-kummerċ dinji. Il-FEG għandu jsir għodda permanenti biex itaffi l-effetti negattivi tal-isfidi tas-seklu 21 fuq is-suq tax-xogħol.

1.2.

Il-Kumitat jinnota li hemm xi ambigwitajiet dwar ir-rwol ta’ fondi Ewropej differenti u għalhekk jirrakkomanda li l-partijiet interessati kollha jkunu infurmati b’mod ċar u b’mod sempliċi dwar l-ambitu tal-azzjonijiet tagħhom, kif ukoll il-komplimentarjetà possibbli tagħhom. Il-KESE jfakkar li l-għan tal-FEG mhuwiex li jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet legali nazzjonali jew dawk li jirriżultaw minn ftehimiet kollettivi, iżda li jikkomplementahom jekk ikun meħtieġ.

1.3.

Il-Kumitat jitlob lill-gvernijiet tal-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, biex jistabbilixxu mekkaniżmi fil-livell nazzjonali li jsaħħu, mil-lat ta’ kapaċità l-istrutturi amministrattivi sabiex tiġi ffaċilita u armonizzata l-preparazzjoni tal-SMEs għal intervent tal-FEG u l-forniment ta’għajnuna għal ħaddiema affettwati minn telf ta’ impjiegi.

1.4.

Il-KESE jtenni l-appell tiegħu għall-involviment tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-applikazzjoni għal finanzjament mill-bidu nett u matul l-istadji kollha tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ tal-FEG, kemm fil-livell tal-UE, kif ukoll dak tan-negozji, tar-reġjuni u tal-UE.

1.5.

Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni sabiex ħaddiema spostati u l-persuni li jaħdmu għal rashom-li l-attività tagħhom tkun waqfet ikollhom aċċess ugwali għall-FEG, ikun xi jkun it-tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg tagħhom.

1.6.

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-FEG sabiex jagħmlu ħilithom biex jitnaqqas iż-żmien tal-ipproċessar u jiġu ssemplifikati l-proċeduri sabiex tiġi żgurata l-adozzjoni rapida u bla xkiel tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG.

1.7.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-benefiċjarji żvantaġġati, inklużi ż-żgħażagħ u dawk li huma aktar kbar fl-età li huma qiegħda kif ukoll dawk li jinsabu f’riskju ta’ faqar, peress li dawk il-gruppi jesperjenzaw problemi partikolari biex isibu impjieg stabbli.

1.8.

Il-Kumitat jenfassizza li fl-interess tal-benefiċjarji, l-assistenza għandha tkun disponibbli bl-aktar mod rapidu u effiċjenti kemm jista’ jkun;

2.   Kuntest tal-opinjoni, inkluża l-proposta leġislattiva kkonċernata

2.1.   Oriġini u żvilupp tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

2.1.1.

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007–2013 bil-għan li jiffaċilita d-dħul mill-ġdid fl-impjieg tal-ħaddiema f’oqsma, setturi, territorji jew swieq tax-xogħol li ġarrbu xokk minn taqlib serju fl-ekonomija. Il-FEG jipprovdi appoġġ lin-nies, iżda l-missjoni tiegħu mhijiex li jappoġġja lill-intrapriżi f’diffikultà.

2.1.2.

Fil-kuntest tal-iżvilupp tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, fl-2008, il-Kummissjoni wettqet reviżjoni tal-FEG sabiex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu mill-1 ta’ Mejju 2009 sat-30 ta’ Diċembru 2011 u biex iżżid ir-rata ta’ kofinanzjament minn 50 % għal 65 %, biex b’hekk jitnaqqas il-piż fuq l-Istati Membri.

2.1.3.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG ġie estiż fl-2009 biex jinkludi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

2.1.4.

Għall-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG ġie estiż bir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-estensjoni tal-FEG tinkludi mhux biss sensji bħala riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji, iżda wkoll kwalunkwe kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida.

2.1.5.

Fis-17 ta’ Novembru 2017, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ġie pproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. Il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jservu bħala l-qafas ġenerali għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.

2.2.   Il-proposta il-ġdid tal-FEG għall-perjodu ta’ wara l-2020

2.2.1.

L-għan ewlieni tal-proposta l-ġdida huwa li jiġi żgurat li l-FEG, li huwa strument speċjali barra l-limiti massimi tal-baġit tal-qafas finanzjarju pluriennali, ikompli jopera lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2020 mingħajr limitu ta’ żmien.

2.2.2.

Għalhekk, l-FEG seta’ joffri wkoll assistenza f’każjiet ta’ kriżi mhux mistennija li jwasslu għal taqlib serju fl-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali. Tali kriżijiet mhux mistennija, pereżempju, jistgħu jinkludu riċessjoni kbira fl-imsieħba kummerċjali importanti jew il-kollass tas-sistema finanzjarja.

2.2.3.

L-appoġġ mill-FEG huwa disponibbli għal ħaddiema indipendentament mill-kuntratt ta’ impjieg jew mir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom. Huwa possibbli li jiġu inklużi mhux biss ħaddiema b’kuntratti ta’ impjieg b’tul ta’ żmien indefinit, iżda wkoll ħaddiema b’kuntratti fuq perjodu fiss, ħaddiema ta’ aġenziji ta’ impjieg temporanju, sidien maniġers ta’ mikrointrapriżi kif ukoll ħaddiema għal rashom.

2.2.4.

It-talba għal appoġġ għal ħaddiema permezz tal-FEG tista’tinbeda meta l-għadd ta’ sensji jilħaq livell minimu. Il-limitu ta’ 250 huwa aktar baxx minn dak ta’ matul il-perjodu ta’ programmar 2014-2020. F’ħafna Stati Membri, il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema huma impjegati minn intrapriżi żgħar u medji (SMEs).

2.2.5.

Il-fokus tal-FEG huwa fuq miżuri attivi tas-suq tax-xogħol immirati lejn ir-riintegrazzjoni rapida f’impjieg stabbli tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja. L-FEG ma jistax jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ miżuri passivi. Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jkunu inklużi biss jekk ikunu mfassla bħala inċentivi biex ikun eħfef għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex jipparteċipaw fil-miżuri attivi tal-politika tas-suq tax-xogħol, il-kontribuzzjonijiet f’pakkett koordinat ta’ miżuri attivi fis-suq tax-xogħol huma limitati.

2.2.6.

L-Istati Membri jitolbu l-mobilizzazzjoni tal-fond biss f’każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza reali. L-FEG ma jistax jieħu post miżuri li huma diġà koperti mill-Fondi u l-Programmi tal-Unjoni inklużi fl-MFF, jew ta’ miżuri nazzjonali jew miżuri li jaqgħu taħt il-kompetenza nazzjonali tal-kumpaniji li taw is-sensji skont il-legislazzjoni nazzjonali jew ftehimiet kollettivi.

2.2.7.

It-talba għal assistenza għandha tiġi attivata meta ristrutturar sostanzjali jkollu impatt sinifikanti fuq l-ekonomija reġjonali jew lokali.

2.2.8.

Evalwazzjoni ex post tar-Regolament eżistenti trid issir sal-31 ta’ Diċembru 2021.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex l-FEG jitkompla lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2020. Il-KESE kien diġà adotta għadd ta’ opinjonijiet li fihom esprima l-appoġġ tiegħu għall-FEG, u jħoss li dawn l-opinjonijiet ma tilfu xejn mir-rilevanza tagħhom (3) (4) (5) (6).

3.2.

Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza kontinwa tar-rwol tal-FEG bħala fond flessibbli li jappoġġa lill-ħaddiema li jitilfu l-impjiegi tagħhom f’avvenimenti ta’ ristrutturar fuq skala kbira u li jgħinhom isibu impjieg ieħor malajr kemm jista’ jkun. Jirrakkomanda li titqies is-sitwazzjoni tal-istaff li l-ħin tax-xogħol tagħhom se jitnaqqas permanentement, mingħajr ma jieħdu kumpens għas-salarju mnaqqas.

3.3.

Fil-fehma tal-Kumitat, ikun utli li tinġabar aktar informazzjoni dettaljata dwar il-monitoraġġ, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kategoriji ta’ ħaddiema, l-esperjenza professjonali u l-edukazzjoni, l-istatus tal-impjieg tagħhom u t-tip ta’ impjieg misjub. Fid-dawl tal-piż amministrattiv stmat li tinvolvi tali aġenda u l-piż assoċjat magħha, il-Kumitat jappoġġja l-approċċ alternattiv tal-ġbir ta’ tali informazzjoni permezz ta’ kwestjonarji online għall-benefiċjarji, kif propost mill-Kummissjoni.

3.4.

Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni sabiex ħaddiema spostati u l-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet ikollhom aċċess ugwali għall-FEG, ikun xi jkun it-tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg tagħhom.

3.5.

Fil-fehma tal-KESE, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG għandhom fl-ewwel lok jiffokaw fuq miżuri attivi tas-suq tax-xogħol. L-għan huwa l-integrazzjoni mill-ġdid rapida tal-benefiċjarji f’impjiegi sostenibbli u li jiġi promoss appoġġ għall-mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika tal-ħaddiema sabiex tiġi ffaċilitata ir-riklassifikazzjoni tagħhom.

3.6.

Il-KESE jieħu nota tal-ammont massimu ta’ EUR 225 miljun fis-sena għall-perjodu 2021–2027 u jikkunsidra dawn l-allokazzjonijiet bħala adegwati għas-sitwazzjoni ekonomika attwali tal-UE. Madankollu, il-KESE josserva li, fil-każ ta’ kriżi aktar profonda, jew f’sitwazzjonijiet bħal bidla teknoloġika mgħaġġla u t-trasformazzjoni tal-enerġija, dan il-pakkett jista’ ma jkunx biżżejjed.

3.7.

Il-Kumitat jirrakkomanda li, f’nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali, ikun hemm reviżjoni tal-FEG kemm mil-lat tal-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet kif ukoll tal-limitu minimu ta’ 250 ħaddiem li ngħataw is-sensja, u jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji, f’kooperazzjoni mal-awtorità baġitarja tal-UE, adattatament kif xieraq tal-finanzjament tal-FEG.

3.8.

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li f’dan il-każ jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji korrispondenti għal madwar EUR 1 biljun. Billi l-FEG huwa mfassal bħala fond ta’ emerġenza, huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ din iż-żieda jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli.

3.9.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-benefiċjarji żvantaġġati, inklużi ż-żgħażagħ u dawk li huma aktar kbar fl-età li huma qiegħda kif ukoll dawk li jinsabu f’riskju ta’ faqar, peress li dawk il-gruppi jesperjenzaw problemi partikolari biex isibu impjieg stabbli.

3.10.

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-FEG jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex jitnaqqas iż-żmien tal-ipproċessar u biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri sabiex tiġi żgurata l-adozzjoni rapida u bla xkiel tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG. Il-Kumitat jenfassizza li fl-interess tal-benefiċjarji, l-assistenza għandha tkun disponibbli bl-aktar mod rapidu u effiċjenti kemm jista’ jkun;

3.11.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jservu bħala qafas gwida ġenerali għall-FEG, li se jippermettu lill-UE biex iddaħħal fis-seħħ il-prinċipji fil-każ ta’ avvenimenti ta’ ristrutturar kbar. Minħabba d-diffikultà ta’ identifikazzjoni ta’ fattur speċifiku li jwassal għal sensji, il-KESE jirrakkomanda li, fil-futur, il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi tal-FEG tkun ibbażata l-ewwel u qabel kollox fuq il-prinċipju ta’ impatt imdaqqas ta’ ristrutturar mhux biss fir-rigward tal-proċessi ta’ globalizzazzjoni, iżda wkoll fir-rigward ta’ bidliet sinifikanti oħrajn. Dawn jinkludu d-dekarbonizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-Industrija 4.0 u bidliet teknoloġiċi relatati u proċessi ta’ trasformazzjoni, kif ukoll il-bidliet kkawżat minn ħafna fatturi bħal rilokazzjoni jew sensji fuq skala kbira, jew kriżijiet finanzjarji jew ekonomiċi. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG sabiex jinkludi riskji tas-suq tax-xogħol kkawżati minn bidliet strutturali minħabba d-diġitalizzazzjoni u żviluppi fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni.

3.12.

Fil-fehma tal-KESE, l-FEG għandu jkun allinjat b’mod aħjar mal-politiki l-oħra tal-UE u li l-ispeċifikazzjonijiet tal-interazzjoni tal-FEG ma’ fondi u programmi oħrajn (pereżempju FEAD, FSE, EaSI, il-Programm tas-Saħħa tal-UE) għandhom jiġu mfassla f’aktar dettall.

3.13.

Meta jitqies it-titolu attwali tal-Fond u l-għanijiet konfliġġenti li huma attribwiti lejh, u filwaqt li jitqies l-interess li jinżamm l-akronimu Ingliż tiegħu EGF, il-KESE jipproponi li t-titolu Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jinbidel għal Fond Ewropew ta’ Aġġustament u Globalizzazzjoni, jew kwalunkwe titolu simili li jikkorespondi mal-akronimu FEG.

3.14.

Fil-fehma tal-Kumitat, il-kamp ta’applikazzjoni tal-FEG għandu jkompli jiġi estiż fil-perjodu li ġej biex jappoġġja inizjattivi bħall- (“Kurzarbeit”) jew programmi ta’ “ħin qasir” żviluppati fil-livell nazzjonali.

4.   L-impriżi żgħar u ta’ daqs medju

4.1.

Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jipprovdu madwar 80 % tal-impjiegi fl-UE iżda huma fost l-aktar vulnerabbli fi kriżi jew fi proċessi ta’ tranżizzjoni. Il-Kumitat għalhekk jitlob lill-gvernijiet tal-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, biex jiġu żviluppati mekkaniżmi u jissaħħu l-istrutturi amministrattivi ta’ kapaċità nazzjonali biex jiffaċilitaw u jarmonizzaw l-preparazzjoni tal-SMEs għal intervent tal-FEG u l-forniment ta’ għajnuna għal ħaddiema affettwati minn telf ta’ impjiegi.

4.2.

Il-KESE jappoġġja l-proposta li ħaddiema u persuni li jaħdmu għal rashom jitpoġġew fuq l-istess livell (Artikolu 7), skont in-non-kumulazzjoni ta’ impjieg u ta’ impjieg indipendenti u f’każ ta’ terminazzjoni tal-attività prinċipali.

4.3.

Il-Kumitat jappoġġja l-protezzjoni tas-sidien ta’ intrapriżi żgħar ħafna li jistgħu jitilfu xogħolhom minħabba kriżi ekonomika jew finanzjarja jew minħabba bidliet teknoloġiċi u l-possibbiltà li dawn il-persuni wkoll ikollhom appoġġ iffinanzjat mill-FEG. Madankollu, dan m’għandux ifisser li “ħaddiem-indipendenti” huwa definit bħala persuna li timpjega inqas minn 10 impjegat”, kif deskritt fl-Artikolu 4 tal-proposta għal Regolament ippreżentata mill-Kummissjoni. Din id-definizzjoni tipproduċi numru ta’ effetti differenti f’atti leġislattivi Ewropej, peress li tikklassifika b’mod identiku l-kategoriji differenti ta’ attività professjonali u ekonomika. Nitolbu lill-Kummissjoni ssib soluzzjoni oħra biex tilħaq l-għan li tipproteġi lis-sidien ta’ negozji żgħar ħafna, li l-Kumitat jappoġġja wkoll.

4.4.

Il-KESE jissuġġerixxi lill-Kummissjoni biex ittejjeb, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, ir-riżultati tal-FEG permezz ta’ kampanja ta’ informazzjoni, inkluż għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, sabiex l-impjegati tagħhom ikunu jistgħu jibbenefikaw aktar faċilment mill-opportunitajiet ta’ appoġġ tal-FEG.

4.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riarranġament tal-kriterji ta’ intervent (Artikolu 5), b’enfasi fuq is-sitwazzjoni f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jimpjegaw proporzjon kbir tal-persuni impjegati. Huwa importanti b’mod partikolari, li, irrispettiv mil-limitu ta’ 250 impjegat, jittieħed kont tal-kunċett ta’ grupp u/jew ta’ unità territorjali jekk diversi fergħat tal-istess grupp qed jiffaċċjaw telf ta’ impjieg fejn hemm l-impjiegi ma jilħqux dan il-limitu individwalment.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Il-KESE jirrakkomanda aktar flessibbiltà meta jiġi kkalkulat in-numru ta’ sensji u waqfiet mill-attività (l-Artikolu 6), il-benefiċjarji eliġibbli (Artikolu 7) u miżuri eliġibbli (Artikolu 8), sabiex il-ħaddiema affettwati jingħataw l-għajnuna malajr kemm jista’ jkun.

5.2.

Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll kemm jista’ jkun is-simplifikazzjoni massima tal-proċeduri amministrattivi għat-tressiq ta’ applikazzjonijiet (Artikolu 9) u b’hekk jitħaffef il-proċess kollu. Is-simplifikazzjoni ta’ dokumenti u l-introduzzjoni ta’ assistenza teknika lill-Istati Membri, fejn tkun meħtieġa, se testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri tal-Fond.

5.3.

Il-Kumitat jemmen li jenħtieġ li jiġu ssimplifikati l-miżuri amministrattivi (Artikolu 2 tal-anness tal-proposta għal Regolament), b’mod partikolari proċeduri ta’ monitoraġġ u r-rappurtaġġ, is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll u miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet.

5.4.

Il-KESE japprova r-restrizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG msemmija fl-Artikolu 8(2), ittra b), fejn huwa spjegat li l-għajnuna mill-EGF ma tissostitwix ir-responsabbiltà li tirriżulta għal kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex teskludi b’mod ġenerali l-miżuri tas-suq ibbażati fuq ftehimiet kollettivi fl-ambitu tal-potenzjal tal-assistenza pprovduta permezz tal-FEG.

5.5.

Il-Kumitat jistenna li bħala parti mil-evalwazzjoni ex-post tal-FEG, il-Kummissjoni se tiddedika ħafna attenzjoni sabiex jiġu analizzati l-kawżi tad-disparitajiet fl-użu tal-FEG fl-Istati Membri tal-UE, speċjalment ir-raġunijiet li waslu sabiex il-pajjiżi li ġejjin jew ma jużawx il-fondi biżżejjed jew ma jużawhom xejn: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Kroazja, Ċipru, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, is-Slovakkja u r-Renju Unit.

5.6.

Il-KESE jtenni l-appell tiegħu għall-involviment tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-applikazzjoni għal finanzjament mill-bidu nett u matul l-istadji kollha tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ tal-FEG, kemm fil-livell tal-UE, kif ukoll dak tan-negozji, tar-reġjuni u tal-UE. Meta jitqies l-għarfien dettaljat tagħhom tas-sitwazzjoni u tal-ispeċifiċitajiet lokali l-istrutturi reġjonali u l-muniċipalitajiet jistgħu jaqdu rwol importanti.

5.7.

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiddefinixxi fir-Regolament li l-kunċett ta’ “impjegati” għandu jkopri wkoll il-membri impjegati tal-kooperattivi.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).

(3)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 38.

(4)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 141

(5)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 92.

(6)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 17


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (mill-2021 sal-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013”

[COM(2018) 366 final]

(2019/C 110/17)

Relatur:

Emmanuelle BUTAUD-STUBBS

Korelatur:

Zbigniew KOTOWSKI

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 14.6.2018

Kunsill, 21.6.2018

Deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat

19.6.2018

Bażi legali

L-Artikoli 173(3) u l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-CCMI

22.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

207/2/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (2021 sal-2027) (COM(2018) 366 final) u l-indikaturi tagħha stabbiliti fl-Anness II. Il-bini ta’ Ewropa b’saħħitha u magħquda għandu jkun ibbażat fuq id-diversità ta’ għeruq kulturali li għandhom jiġu trażmessi permezz tal-edukazzjoni. Il-kontinwazzjoni ta’ dan il-programm għandha titqies bħala ta’ benefiċċju kbir għall-iżvilupp tal-kultura Ewropea u tal-kulturi tal-Istati Membri individwali li huwa pedament tas-soċjetà tagħna minn fejn joriġinaw il-valuri demokratiċi tagħna.

1.2.

Għal bosta snin, il-KESE ppromova l-kontribut sinifikanti tas-setturi kreattivi u kulturali u tal-industriji għall-ħolqien tal-UE tal-valur u l-impjiegi, l-inklużività u t-tkabbir (1). Fl-2012, skont l-OECD, l-industriji intensivi fid-drittijiet tal-awtur (2) fl-UE ammontaw għal 4,2 % tal-PDG u 3,2 % tal-impjiegi. Skont l-Artikolu 2 tal-proposta għal Regolament (COM(2018) 366), dawn is-setturi jinkludu “l-arkitettura, l-arkivji, il-libreriji u l-mużewijiet, is-snajja’ artistiċi, l-awdjoviżiv (inkluż il-film, it-televiżjoni, il-logħob tal-vidjo u l-multimedia), il-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, id-disinn (inkluż id-disinn tal-moda), il-festivals, il-mużika, il-letteratura, l-arti tal-ispettaklu, il-kotba u l-pubblikazzjoni, ir-radju u l-arti viżiva”.

1.3.

Filwaqt li jqis in-natura speċifika tal-atti u tal-proċessi kreattivi li mhux dejjem jaqgħu b’mod faċli fil-qafas ġenerali tal-liġi tax-xogħol, il-KESE huwa kompletament konxju tal-isfidi soċjali li għandhom jiġu indirizzati f’xi Stati Membri: it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-tneħħija ta’ sigħat mhux imħallsa, il-ġlieda kontra d-disparità bejn is-sessi, il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti, kundizzjonijiet aħjar ta’ saħħa u sikurezza, l-iffaċilitar tal-mobbiltà, l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabbiltà u dawk li huma esklużi, il-politika kontra l-fastidju sesswali u l-bqija.

1.4.

Il-KESE jqis li l-baġit ippjanat ta’ EUR 1,8 biljun mhuwiex biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi tal-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027. Din hija r-raġuni għaliex il-KESE jitlob baġit akbar. Dan l-investiment sinifikanti fil-kreattività tal-Ewropa, l-artisti tagħha, il-ħallieqa, il-mużiċisti, il-kittieba, il-fotografi, l-arkitetti, l-inventuri tal-logħob tal-vidjo, il-persuni li jagħmlu l-films, eċċ., se jgħin lill-UE biex tikkompeti b’suċċess ma’ pajjiżi kbar bi strateġiji intenzjonati “ta’ setgħa ta’ persważjoni” (l-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel) fil-livell nazzjonali u f’organizzazzjonijiet internazzjonali. Dak il-finanzjament tal-UE għandu jkun ikkomplementat minn finanzjament pubbliku nazzjonali u reġjonali. Inċentivi fiskali speċifiċi jistgħu wkoll jattiraw il-filantropija (pereżempju r-restawr tal-wirt storiku) u jiffaċilitaw il-crowdfunding għall-ħolqien ta’ mudelli ġodda ta’ negozju.

1.5.

Il-KESE jemmen ukoll li huwa meħtieġ li jsir investiment f’għodod legali u tekniċi sabiex il-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ promozzjoni ta’ vjolenza u diskriminazzjoni, b’mod partikolari fil-produzzjoni ta’ logħob tal-vidjo online għat-tfal u għaż-żgħażagħ tkun aktar effiċjenti.

1.6.

Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni ta’ dimensjoni kreattiva u kulturali fil-politika esterna tal-UE (politika kummerċjali, relazzjonijiet internazzjonali, eċċ.) (3).

1.7.

Dan l-isforz finanzjarju mingħajr preċedent għandu jinkiseb permezz ta’ tliet modi:

Baġit miżjud għal “Ewropa Kreattiva” ta’ EUR 1 930 000 minflok ta’ EUR 1 850 000 għall-2021-2027 li se jinkludi finanzjament addizzjonali ta’ EUR 80 miljun għat-Taqsima TRANSSETTORJALI li se jippermetti proġetti ta’ “transfertilizzazzjoni” bejn l-industriji kulturali u kreattivi (IKK) infushom (mużika, moda, disinn, arti, ċinema, pubblikazzjoni. eċċ.) u bejn l-IKK u l-industriji l-oħrajn, u aktar riżorsi finanzjarji għal aktar taħriġ fil-qasam tal-midja f’kuntest li fih il-pluraliżmu tal-midja dan l-aħħar ġie kkontestat fl-UE;

Appoġġ finanzjarju għall-kultura u l-ħolqien f’medda wiesgħa ta’ programmi tal-UE sabiex “jittejjeb il-proċess tal-integrazzjoni tal-kultura f’politiki settorjali oħra, li jirriżultaw f’benefiċċji reċiproki kemm għas-settur tal-kultura kif ukoll għas-settur rilevanti” (4): Orizzont 2020, Fond Soċjali Ewropew, Ewropa Diġitali, Fond ta’ Koeżjoni, Erasmus;

Appoġġ kontinwu għall-Faċilità tal-Garanzija Finanzjarja ddedikata għall-“industriji kreattivi u kulturali” sabiex jiġu pprovduti garanziji u, fejn meħtieġ, appoġġ ta’ ekwità għall-SMEs u għan-negozji ġodda.

1.8.

Din l-ambizzjoni mġedda għal Ewropa aktar kulturali u kreattiva se tkun ukoll ta’ benefiċċju għal diversi setturi u katini tal-valur industrijali tal-UE mit-tessuti, il-ħwejjeġ, il-ġilda, l-għamara, iċ-ċeramika, il-ġugarelli, it-turiżmu, l-arti u l-artiġjanat, għall-karozzi, il-kostruzzjoni, is-saħħa u l-benesseri, l-enerġija ekoloġika u l-bqija, bis-saħħa tal-integrazzjoni tal-kreattività, id-disinn u teknoloġiji l-aktar avvanzati. Hemm ħafna eżempji fl-Ewropa tal-bidla b’suċċess minn xi reġjuni jew bliet industrijali lejn l-industriji kreattivi li jiġġeneraw aktar valur miżjud (Turin).

1.9.

L-opportunitajiet ipprovduti mir-“rivoluzzjoni diġitali” f’dawk l-industriji intensivi fid-drittijiet tal-awtur huma partikolarment importanti u għandu jiġi promoss investiment suffiċjenti f’tagħmir u software (pereżempju l-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain, l-istampar 3D, id-diġitalizzazzjoni tal-arkivji) kif ukoll fit-taħriġ.

1.10.

Il-potenzjal tal-innovazzjoni ta’ dawn l-industriji huwa mingħajr limitu peress li dawn jiddependu l-aktar fuq il-kreattività individwali, il-ħiliet u l-immaġinazzjoni. Huwa għalhekk li l-industriji kulturali u kreattivi (IKK) għandu jkollhom baġit speċifiku taħt “Orizzont 2020” (mill-inqas EUR 3 biljun li huwa ftit inqas minn piż tagħhom fil-PDG tal-UE (4,2 %)).

1.11.

Fis-suq tal-Istati Uniti għaddejjin operazzjonijiet ta’ fużjoni akbar li se jkollhom impatt fuq l-IKK tal-UE. F’dan il-kuntest, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tniedi offerta għal rapport dwar il-business intelligence li huwa mistenni fl-2019 dwar ix-xejriet ekonomiċi u teknoloġiċi ewlenin fl-Istati Uniti li jaffettwaw il-midja, iċ-ċinema u l-awdjoviżiv u l-konsegwenzi probabbli tagħhom fuq il-kontropartijiet tal-UE fil-qasam tal-produzzjoni, tal-konsum u tad-distribuzzjoni.

1.12.

Minħabba l-fatt li l-UE 27 jistgħu jibbenefikaw b’mod konsiderevoli minn djalogu kontinwu mar-Renju Unit li huwa attur ewlieni f’dawn l-industriji, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tappoġġja kull djalogu bilaterali bejn il-gvernijiet u n-netwerks li jistgħu jwittu t-triq għal ftehim bilaterali sabiex isegwu programmi bilaterali ambizzjużi fil-qafas ta’ Ewropa Kreattiva 2021-2027. Fil-passat (2014-2020) ġew konklużi ftehimiet bilaterali simili ma’ pajjiżi terzi bħall-Georgia, is-Serbja jew l-Ukrajna.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.   Livell ġdid ta’ ambizzjoni

2.2.

Il-proposta għal Regolament (COM(2018) 366) hija bbażata fuq l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: l-UE ssegwi l-għan “li tippromovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benesseri tal-popli tagħha”, l-UE “għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u għandha tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew.” Iżda hemm perċezzjoni ċara li n-numru ta’ sfidi li se taffaċċja huma akbar, b’mod partikolari fil-kompetizzjoni minn pjattformi online u magni tat-tiftix, il-konċentrazzjoni tas-settur madwar numru limitat ta’ atturi kbar, jew il-bidu tad-“diżinformazzjoni”.

2.3.

B’dan il-programm ġdid, il-Kummissjoni tal-UE trid toffri opportunitajiet lill-operaturi biex jiżviluppaw inizjattivi transkonfinali Ewropej innovattivi mil-lat tekniku u artistiku għall-iskambju, il-ħolqien u l-produzzjoni konġunti u d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej. L-iskop huwa wkoll li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-atturi tal-UE fl-UE u fis-swieq globali. Eżempji tal-aħjar prattiki f’dan il-qasam jistgħu jinsabu fl-attivitajiet tal-Kunsill tal-fond “Eurimages” tal-Ewropa.

2.4.   Baġit ikbar iżda xorta mhux biżżejjed

2.4.1.

Il-baġit propost ta’ EUR 1,85 biljun għal 27 Stat Membru huwa akbar minn dak attwali iżda jirrappreżenta biss 1/1 000 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali globali tal-UE 2021-2027: EUR 1 135 biljun.

2.5.

Il-baġit propost mill-KE huwa maqsum fi tliet partijiet:

It-Taqsima tal-KULTURA b’EUR 609 miljun (33 % tal-baġit totali meta mqabbel ma’ 31 % tal-baġit totali ta’ Ewropa Kreattiva 2014-2020);

It-Taqsima tal-MIDJA b’EUR 1 081 miljun (58 % tal-baġit totali meta mqabbel ma’ 56 % tal-baġit totali ta’ Ewropa Kreattiva 2014-2020);

It-Taqsima TRANSSETTORJALI b’EUR 160 miljun (9 % tal-baġit totali meta mqabbel ma’ 13 % tal-baġit totali ta’ Ewropa Kreattiva 2014-2020).

2.5.1.

Il-KESE jitlob baġit addizzjonali ta’ EUR 80 miljun għat-Taqsima TRANSSETTORJALI għall-iżvilupp tal-potenzjal sħiħ tal-proġetti ta’ “transfertilizzazzjoni” (5) (ekonomija diġitali, turiżmu, arti, lussu, kultura, stampar diġitali…) u biex jiġu identifikati aktar tweġibiet prattiċi fil-qasam tal-litteriżmu medjatiku.

2.5.2.

L-objettiv li jingħata appoġġ prijoritarju lil proġetti li huma mmirati lejn udjenza akbar huwa xieraq għas-settur awdjoviżiv (Taqsima MEDIA) iżda m’għandux japplika għall-attivitajiet kulturali kollha, b’mod partikolari f’żoni rurali. Il-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali huma fil-qalba tal-proġett Ewropew.

2.6.   Il-każ ta’ Brexit għall-ħolqien u l-kultura

2.6.1.

Dan il-programm ġdid se jseħħ fl-UE27 wara l-ħruġ tar-Renju Unit li huwa wieħed mill-Istati Membri fejn l-industriji kreattivi u kulturali għandhom rwol ewlieni (90 biljun Lira Sterlina fl-2016, 2 miljun ħaddiem). Il-KESE jqis li huwa essenzjali, għad-dinamika ta’ “Ewropa Kreattiva”, li jinżammu relazzjonijiet kulturali b’saħħithom mar-Renju Unit u li għandha titħeġġeġ, fejn ikun possibbli u neċessarju, il-kooperazzjoni bilaterali. L-għan ta’ ftehim bilaterali speċifiku u mfassal apposta mar-Renju Unit sabiex ikunu segwiti l-azzjonijiet u l-programmi għandu jiġu mfittex abbażi tal-Artikolu 8 tal-proposta għal regolament u b’konformità mad-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva.

2.7.   Lezzjonijiet li tgħallimna mill-programm preċedenti Ewropa Kreattiva 2014-2020

2.7.1.

Fil-bosta studji ta’ valutazzjoni mitluba mill-KE, il-limiti ewlenin kienu li ġejjin:

Baġits insuffiċjenti biex isir impatt kbir fil-livell tal-UE jew dak settorjali;

Il-finanzjament kien wisq frammentat għall-programm tal-MIDJA;

Kumplessità eċċessiva għall-aċċess u r-rapportar amministrattiv għall-programmi u l-finanzjament tal-UE, b’mod partikolari għall-SMEs u l-individwi, u applikanti għall-ewwel darba;

Distribuzzjoni mhux indaqs tal-fondi skont l-Istati Membri.

2.7.2.

Waqt seduta li ġiet organizzata f’Pariġi (6 ta’ Ottubru 2016) minn Sylvia Costa, President tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, partijiet ikkonċernati identifikaw kwistjonijiet konkreti oħra:

Il-proporzjon ta’ suċċess għas-sejħa għall-offerti fit-taqsima tal-KULTURA huwa baxx wisq: 11 %;

It-tul massimu għal traduzzjoni letterarja huwa qasir wisq: sentejn;

In-numru ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jkunu involuti f’xi proġetti huwa limitat wisq;

Il-kunċett ta’ “esperimentazzjoni” għandu jiġi promoss u appoġġjat, kif ukoll dak tal-“innovazzjoni”.

Sabiex tiġi kkunsidrata din il-kritika, il-KE tipproponi ċerti simplifikazzjonijiet għall-2021-2017:

Flessibbiltà akbar sabiex il-programmi ta’ ħidma jiġu adattati għal ċirkostanzi mhux previsti;

Aktar ftehimiet qafas ta’ sħubija u għotjiet kaskata;

Aktar inċentivi biex jippremjaw riżultati marbuta mal-kapaċità sabiex jintlaħqu udjenzi akbar;

Użu sistematiku ta’ formoli elettroniċi u rapporti elettroniċi u rekwiżiti ta’ rappurtar inqas stretti.

2.8.   It-Taqsima tal-Kultura

2.8.1.

Il-baġit globali ta’ EUR 609 miljun se jappoġġja ċirkolazzjoni transkonfinali ta’ xogħlijiet u mobilità ta’ operaturi kreattivi, se jinkoraġġixxi s-sħubijiet, in-netwerks u l-pjattaformi li jfittxu udjenza usa’ fl-Ewropa u lil hinn għal operaturi u xogħlijiet kulturali u kreattivi Ewropej, u se jippromovi l-identità, il-patrimonju u l-valuri Ewropej permezz ta’ għarfien kulturali, edukazzjoni tal-arti u kreattività fl-edukazzjoni. Se jiġu appoġġjati wkoll azzjonijiet tal-UE speċjali bħall-Kapitali Ewropej tal-Kultura, premjijiet kulturali tal-UE u t-tikketta tal-Wirt Ewropew. Prijorità oħra hija li jiġi promoss il-bini ta’ kapaċità internazzjonali sabiex tippermetti lis-setturi kulturali u kreattivi Ewropej ikunu attivi fuq livell internazzjonali.

Il-KESE jixtieq iżid paragrafu mar-Regolament propost dwar il-folklor u l-kreattività “dilettanteska”, peress li hija preċiżament din il-forma ta’ kreattività li kienet il-bażi għall-iżvilupp u t-tixrid ta’ sensibilità artistika u umanistika ġenwina.

2.9.   It-Taqsima tal-Midja

2.9.1.

Dan il-programm ikopri l-midja awdjoviżiva, iċ-ċinema u l-logħob tal-vidjo b’baġit globali ta’ EUR 1 081 000. Dan huwa marbut ma’ xi għodod leġislattivi speċifiċi: ir-reviżjoni tal-qafas tad-drittijiet tal-awtur u d-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva.

2.9.2.

Dak preċedenti (COM(2016) 593 final) ġie adottat mill-Parlament Ewropew (12 ta’ Settembru 2018) fl-ewwel qari.

Din il-proposta għandha tliet għanijiet ewlenin: (a) li jitjieb l-aċċess għal kontenut online u bejn il-fruntieri għal programmi tat-televiżjoni u tar-radju fuq pjattaformi VoD; (b) li jiġu armonizzati u mmodernizzati l-eċċezzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur fid-dritt tal-Unjoni fl-oqsma tat-tagħlim, tar-riċerka u tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali; (c) li jiġi stabbilit post tas-suq li jiffunzjona tajjeb għad-drittijiet tal-awtur għal pubblikaturi tal-istampa, awturi u artisti tal-ispettaklu li jipproduċu kontenut għal pjattaformi online.

2.9.3.

It-tieni wieħed għandu diversi objettivi: li jiġu pprovduti aktar opportunitajiet għall-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej fi ħdan (minimu ta’ 30 % tax-xogħlijiet tal-UE fuq pjattaformi tal-vidjo online) u barra l-UE, li titrawwem kooperazzjoni tul il-katina tal-valur mill-istadji bikrin tal-produzzjoni sad-distribuzzjoni u l-wiri, u li jitjieb il-livell ta’ protezzjoni tat-tfal u tal-konsumaturi.

2.9.4.

Il-baġit ta’ EUR 1 081 000 iddedikat lis-settur awdjoviżiv Ewropew, inkluża l-industrija tal-films, tat-TV u tal-logħob tal-vidjo għandu l-għanijiet li ġejjin: (a) li jistimula kollaborazzjoni u innovazzjoni fil-produzzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi tal-UE; (b) li jtejjeb id-distribuzzjoni teatrali u online bejn il-fruntieri; (c) li jappoġġja l-influwenza internazzjonali ta’ xogħlijiet awdjoviżivi tal-UE permezz ta’ promozzjoni u distribuzzjoni internazzjonali aħjar ta’ xogħlijiet Ewropej u rakkuntar tal-istejjer innovattiv li jinkludi r-realtà virtwali.

2.10.   It-Taqsima Transettorjali

2.10.1.

Baġit globali ta’ EUR 160 miljun huwa ppjanat li jappoġġja l-bidu ta’ proġetti transettorjali bejn atturi kreattivi u kulturali (mużika, midja, litteratura, arti…), biex jgħin lid-desks tal-Ewropa Kreattiva jippromovu l-programm f’pajjiżhom, u sabiex jittejjeb “ambjent medjatiku ħieles, diversifikat u pluralistiku, tal-ġurnaliżmu ta’ kwalità u tal-litteriżmu medjatiku” (l-Artikolu 6(c), COM(2018) 366 final).

2.10.2.

Dan l-aħħar għan huwa meqjus bħala kritiku mill-KESE: fl-2017 diversi Stati Membri waqgħu lura fil-qasam tal-libertà tal-istampa. Minħabba dan il-kuntest partikolari, il-KESE jitlob aktar finanzjament sabiex tiġi appoġġjata l-promozzjoni tal-libertà tal-espressjoni, u ta’ ambjent tal-midja varjat u pluralistiku, il-promozzjoni ta’ standards tal-midja ta’ kwalità għolja f’termini ta’ kontenut, u programmi tal-litteriżmu tal-midja sabiex jippermetti liċ-ċittadini jiksbu fehim kritiku tal-midja.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   Id-drittijiet tal-awtur fl-era diġitali

3.1.1.

Studju tal-OECD mill-2015 dwar “Copyright in the digital era” (“Id-drittijiet tal-awtur fl-era diġitali) jikkonferma l-intensità tad-dibattiti legali u pubbliċi dwar il-modi u l-mezzi ta’ kif oqfsa tad-drittijiet tal-awtur nazzjonali jiġu adattati għar-rivoluzzjoni tal-Internet.

Il-kwistjonijiet ewlenin li qegħdin jiġu diskussi huma: (a) il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur; (b) xogħlijiet orfni; (c) eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur; (d) reġistrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur; (e) infurzar.

3.1.2.

Il-KESE jixtieq jiddefendi d-drittijiet tal-awtur relatati ġodda għall-pubblikaturi għall-użu diġitali tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa tagħhom kif propost fl-Artikolu 11 tal-proposta għal Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali u l-protezzjoni ta’ kontenut minn servizzi online kif propost fl-Artikolu 13, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-kuntratti (Artikolu 15) u l-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim (Artikolu 16).

3.2.

Kompetizzjoni ħarxa fuq livell internazzjonali li għandha twassal għal strateġija tal-UE ċara għall-IKK għal politiki tas-suq uniku u dawk esterni (l-aġenda internazzjonali għall-kultura, id-diplomazija kulturali, il-politika tal-kummerċ).

3.2.1.

Ditti Amerikani bħal Apple b’iTunes, l-akbar ħanut tal-mużika online fid-dinja mill-2010, Netflix b’130 miljun abbonat fl-2017, u You Tube b’1 300 000 utent fix-xahar u aktar minn 5 biljun vidjo li l-utenti jaraw kuljum, għandhom pożizzjonijiet dominanti fil-qasam tal-pjattaformi online.

3.2.2.

Pereżempju, fl-industrija tal-films (6)“il-produzzjonijiet u l-koproduzzjonijiet mill-Istati Uniti jammontaw għal 90 % tal-films bl-ogħla livelli ta’ attendenza teatrali f’dik is-sena [2012]” b’korollarju naturali: “hemm predominanza ċara u kważi mhux ikkontestata tal-lingwa Ingliża”.

3.2.3.

Riċentement, fl-Istati Uniti seħħew fużjonijiet kbar li jikkonfermaw li qiegħed iseħħ tibdil konsiderevoli fil-produzzjoni, fid-distribuzzjoni u fil-konsum ta’ kontenut awdjoviżiv. X’se jkun l-effett ta’ dan it-tibdil ewlieni fl-Istati Uniti fuq is-settur awdjoviżiv tal-UE, li jibqa’ frammentat, b’inqas finanzjament pubbliku u b’livell persistentement baxx ta’ diffużjoni transkonfinali minħabba baġit limitat u ostakli lingwistiċi? Studju indipendenti b’data kwantitattiva u kwalitattiva se jkun utli ħafna.

Pajjiżi ewlenin oħrajn bħaċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja u l-Kanada implimentaw politiki ta’ inċentiv sabiex jappoġġjaw, kemm internament kif ukoll esternament, dawk l-assi li jagħmlu parti mis-“setgħa ta’ persważjoni” tagħhom; l-UE għandha tagħmel l-istess.

3.3.   Id-diversifikazzjoni u tiġdid tal-mudelli ta’ negozju

3.3.1.

Il-mudelli ta’ negozju innovattivi għall-industriji intensivi fid-drittijiet tal-awtur fl-UE għandhom jiġu mħeġġa fi tliet direzzjonijiet:

(a)

l-użu ta’ għodod diġitali kollha (IA, blockchain, big data, istampar 3D, eċċ.) bħala opportunità biex jarrikkixxu l-kontenut ta’ prodotti u servizzi kulturali u l-mod li bih huma disponibbli għall-konsumaturi;

(b)

opportunitajiet b’rabta mal-portabilità mtejba ta’ kontenut fil-proġetti transkonfinali;

(c)

it-tiftix għal modi ġodda biex jiġi ġġenerat id-dħul (abbonamenti, ħlas skont kemm tara, eċċ) mingħajr ma jiġu esklużi konsumaturi vulnerabbli.

3.3.2.

L-“effett kollaterali” bejn l-IKK u d-diversi setturi ekonomiċi li jintegraw “komponent kulturali jew kreattiv” intwera f’bosta studji. Fl-interfaċċa tal-IKK u t-teknoloġiji diġitali hemm sors b’saħħtu ta’ innovazzjoni rivoluzzjonarja u dik inkrementali.

3.3.3.

Naturalment, ċerti attivitajiet kulturali, li jibbenefikaw minn finanzjament pubbliku jew privat m’għandhomx jiddependu biss fuq il-ġenerazzjoni ta’ profitt. Il-programm il-ġdid għandu jkopri wkoll l-attivitajiet li “mhumiex orjentati lejn is-suq”.

3.4.   Aċċess għall-finanzjament

3.4.1.

F’Ġunju 2016, tnediet faċilità ta’ garanzija ġdida mill-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku sabiex tkun ta’ benefiċċju għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fis-setturi IKK li qegħdin isibuha diffiċli biex jaċċessaw self f’pajjiżhom stess. Għal dan il-mekkaniżmu ġdid, ġie ppjanat ammont inizjali ta’ EUR 121 miljun li huwa mistenni li joħloq EUR 600 miljun f’self u prodotti finanzjarji oħra.

3.4.2.

Wara bidu bil-mod, disa’ Stati Membri – Spanja, Franza, ir-Rumanija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Italja, il-Lussemburgu u r-Renju Unit – iffirmaw ftehimiet mal-Fond ta’ Investiment Ewropew (FIE) għal kapaċità globali ta’ aktar minn EUR 300 miljun ta’ self potenzjali. Fl-2017, ittieħdet deċiżjoni mill-FIE biex jiżdiedu EUR 70 miljun oħra. Skont rapport mill-FIE dwar l-użu tal-Garanzija CCI (Marzu 2018), 418-il “attur” kreattiv u kulturali bbenefikaw minn din il-faċilità għal ammont totali ta’ EUR 76 miljun f’self, li jirrappreżenta EUR 182 000 ta’ self bħala medja għal kull entità.

3.4.3.

Il-KESE jħeġġeġ ħafna lill-awtoritajiet kompetenti fil-livelli nazzjonali u reġjonali, f’żoni urbani u rurali, biex jippromovu din il-faċilità speċifika sabiex isaħħu t-tkabbir tal-IKK u biex jattiraw l-investiment u negozji ġodda f’dawk is-setturi. Hija r-responsabbiltà tagħhom li jevitaw diskrepanza dejjem tikber bejn “bliet intelliġenti” fejn il-KKI huma kkonċentrati (7) ħafna u ż-żoni rurali.

3.5.   Kwistjonijiet soċjali

3.5.1.

Id-data disponibbli f’xi Stati Membri turi kundizzjonijiet tax-xogħol soċjali inġusti u mhux sodisfaċenti: sigħat bla ħlas, sahra regolari, kuntratti temporanji, impjiegi part-time mhux intenzjonati, kundizzjonijiet ħżiena ta’ saħħa u sikurezza, nuqqas ta’ investiment fit-taħriġ, disparità bejn is-sessi (8), nuqqas ta’ diversità etnika, fastidju sesswali, livell baxx ta’ protezzjoni soċjali, mobilità insuffiċjenti minħabba tassazzjoni doppja u aċċess diffiċli għall-viżi għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Xi Stati Membri implimentaw rekwiżiti soċjali li l-IKK għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw il-finanzjament tal-UE, u b’hekk jappoġġjaw il-mudell soċjali Ewropew f’konformità mar-rwol potenzjalment mwettaq minn finanzjament pubbliku.

3.5.2.

Id-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali għandu jiġi mħeġġeġ sabiex jinstabu soluzzjonijiet xierqa ħalli tittejjeb is-sitwazzjoni. Fil-livell tal-UE, aktar studji indipendenti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-IKK huma meħtieġa sabiex jispiraw il-politiki mġedda. Is-sejba riċenti turi, pereżempju, li l-kriterju “okkupazzjoni” jista’ jkun aktar effettiv minn dak “settorjali”, minħabba li 30,7 % biss tal-impjiegi “kreattivi” jinsabu ġewwa setturi tal-IKK! (9)

3.5.3.   Raggruppamenti u netwerks

Raggruppamenti reġjonali jaqdu rwol kruċjali fil-promozzjoni ta’ mudelli ġodda ta’ kollaborazzjoni u sħubijiet transkonfinali. Il-ħolqien ta’ raggruppamenti u netwerks reġjonali ġodda għall-IKK għandu jitħeġġeġ permezz tal-programm il-ġdid kif ukoll sħubijiet siewja bejn raggruppamenti u netwerks eżistenti (Emilia-Romagna, Hamburg, Milan, eċċ.) li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir u lill-aħjar prattiki.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 83, NAT/738 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 22), SOC/590 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 148).

(2)  L-industriji ewlenin intensivi fid-drittijiet tal-awtur jinkludu disa’ setturi: l-istampa u l-letteratura, il-mużika, l-opera u l-produzzjoni teatrali, iċ-ċinema u l-vidjo, il-fotografija, is-softwer u l-bażi tad-data, l-arti viżiva u l-grafika, ir-reklamar u l-arti, is-soċjetajiet ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur.

(3)  Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali, Join (20160 29 final.

(4)  Ikkwotata mid-dokument ta’ diskussjoni tal-Presidenza Bulgara: The way ahead: long term vision for the contribution of culture to the EU after 2020, (It-triq ’il quddiem: viżjoni fit-tul għall-kontribut tal-kultura lejn l-UE wara l-2020), 27 ta’ April 2018.

(5)  Ara l-punt 4.6 tal-opinjoni tal-KESE, ĠU C 13, 15.1.2016, p. 83.

(6)  Diversity and the film industry: An analysis of the 2014 UIS Survey on Feature Film Statistics (Id-diversità u l-industrija tal-films: Analiżi ta’ Stħarriġ tal-UIS tal-2014 dwar Statistika ta’ Films Ewlenin), Marzu 2016, p. 31 (Mhux disponibbli bil-Malti)

(7)  64 % tal-impjiegi kreattivi jinsabu fiż-żoni urbani, J. Vlegels, W. Ysebaert Creativiteit, diversiteit en werkomstandigheden: eien analyse van de drieand van culturele en creative arbeid in België, Sociologos 39, p. 241

(8)  Ara l-Qafas għal azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Kumitat għad-Djalogu Soċjali Awdjoviżiv.

(9)  J. Vlegels, W. Ysebaert, Sociologos 39, pp. 210-241.


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/94


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (programm kontinwu)”

(COM(2018) 337 final)

(2019/C 110/18)

Relatur:

Mindaugas MACIULEVIČIUS

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 2.7.2018

Kunsill, 26.6.2018

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Bureau

19.9.2017

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

27.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

140/1/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Din hija inizjattiva f’waqtha u pożittiva ħafna mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-regolament propost jinkoraġġixxi ħafna l-iżvilupp ta’ riżorsi tal-ilma addizzjonali u sikuri għall-irrigazzjoni agrikola – ilma li jista’ jiġi pproċessat sabiex ikun sikur għal użu agrikolu u apparti minn hekk, meta xieraq, jinżamm kontenut siewi ta’ nutrijenti utli kif ukoll materja organika xierqa u li tarrikkixxi l-ħamrija.

1.2.

Il-valur miżjud ta’ tali dispożizzjoni se jtaffi primarjament l-istress minn fuq il-provvisti tal-ilma tax-xorb, u se jiffaċilita wkoll kemm l-investiment pubbliku kif ukoll dak privat sabiex jinħolqu dawn ir-riżorsi tal-ilma supplementari. Dawn l-infrastrutturi separati u ddedikati għat-trattament u l-provvista għall-użu agrikolu se jkunu b’żieda ma’ sorsi eżistenti u l-provvista tal-infrastruttura, li skont l-Istat Membru, huma servizzi essenzjali operati taħt ir-responsabbiltajiet statali, muniċipali jew privati.

1.3.

Il-KESE jilqa’ dan ir-regolament propost bħala żieda utli fir-realizzazzjoni tal-intenzjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, kif ukoll bħala li jikkontribwixxi għall-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari. Dan se jinkoraġġixxi l-użu b’mod aktar sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma eżistenti u ż-żieda tal-fiduċja tal-konsumaturi fis-sikurezza ta’ dawk il-prodotti agrikoli affettwati.

1.4.

Fil-preżent, il-konsumaturi mhumiex konxji tal-istandards varji dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma li jeżistu bejn l-Istati Membri u ħafna minnhom mhumiex konxji li l-ilma reklamat jintuża b’mod wiesa’ fl-irrigazzjoni. Billi dan ir-regolament jipprevedi approċċ konsistenti bbażat fuq parir xjentifiku qawwi, huwa jista’ jitqies bħala pedament neċessarju fil-politika dwar is-sikurezza alimentari.

1.5.

Kuntrarju għall-impressjoni maħluqa mit-titolu ġenerali tar-regolament, is-sustanza proprja tal-proposta hija ffokata sewwa fuq l-użu mill-ġdid tal-ilma urban mormi għal skopijiet ta’ irrigazzjoni. Huwa rrakkomandat li, għalkemm dan jissemma fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għar-regolament, tingħata prominenza akbar lil din l-enfasi sabiex jitnaqqas it-tħassib li l-opportunitajiet ta’ użu mill-ġdid industrijali u domestiku qegħdin jiġu injorati.

1.6.

Il-potenzjal tal-użu mill-ġdid tal-ilma għar-risanament tal-akwiferi, għalkemm mhux l-għan tar-regolament, jibqa’ ta’ interess u analiżi teknika ulterjuri għandha titwettaq biex jiġu solvuti l-problemi kumplessi identifikati fil-valutazzjoni tal-impatt.

1.7.

Il-Kumitat jirrakkomanda bil-qawwa li, sabiex dan ir-regolament ikollu l-akbar impatt maħsub tiegħu, jeħtieġ li jiġu segwiti regolazzjoni effettiva tar-riżorsi tal-ilma u sistema ta’ infurzar u responsabbiltà attiva fl-Istati Membri kollha. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġu infurzati projbizzjonijiet fuq estrazzjonijiet illegali tal-ilma, b’mod aktar konsistenti.

1.8.

Hemm każ ta’ negozju konvinċenti li jappoġġja l-investiment kapitali meħtieġ biex tiġi stabbilita l-infrastruttura meħtieġa għall-użu mill-ġdid tal-ilma, iżda l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura bħal din tkun assistita minn appoġġ mill-fondi strutturali, prinċipalment mill-Fond għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond ta’ Koeżjoni.

1.9.

Għalkemm l-impatti fuq il-kompetizzjoni b’importazzjonijiet minn pajjiżi terzi mistennija jkunu newtrali, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu din l-opportunità sabiex tuża dan l-iżvilupp ta’ standards fil-livell tal-UE, flimkien mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, biex issaħħaħ il-pożizzjoni f’diskussjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma sabiex l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi jkunu konformi wkoll. Il-KESE sostna b’mod regolari għall-konsistenza fl-istandards agrikoli internazzjonali u dan ir-regolament jista’ jistabbilixxi punt ta’ riferiment globali għall-użu mill-ġdid tal-ilma (1).

2.   Introduzzjoni

2.1.

Minħabba t-tibdil fil-klima u d-domanda dejjem tiżdied, ħafna partijiet tal-UE diġà qegħdin jesperjenzaw stress tal-ilma (2), bl-iskarsezza u l-problemi ta’ kwalità diġà qegħdin jaffettwaw terz tat-territorju tal-UE matul is-sena kollha (3). Opinjonijiet preċedenti mill-Kumitat enfasizzaw dan it-tħassib, ħeġġew sabiex ikun hemm aktar investiment fit-trattament tal-ilma mormi bil-għan li jkun jista’ jintuża mill-ġdid u rrimarkaw li l-objettiv li jingħalaq iċ-ċiklu tal-ilma ma għadux jidher bħala wieħed mhux realistiku (4). Proporzjon kbir tar-riżorsi tal-ilma jintuża għall-irrigazzjoni agrikola, b’mod partikolari fl-Istati Membri tan-nofsinhar, fejn il-prodotti agrikoli jagħtu kontribut ekonomiku sinifikanti. L-intenzjoni ta’ dan ir-regolament mhijiex li tiġi estiża ż-żona diġà taħt irrigazzjoni, iżda li r-riżorsi tal-ilma eżistenti jintużaw b’mod aktar sikur u effiċjenti.

2.2.

Iż-żamma tal-fiduċja tal-konsumaturi fil-provvisti tal-ikel u fis-sistema regolatorja u ta’ spezzjoni li tiżgura s-sikurezza tagħhom hija, kif wieħed jista’ jifhem, waħda mill-ogħla prijoritajiet fl-Unjoni. Dan ir-regolament se jżid iċ-ċertezza f’dan il-qasam, fejn bħalissa l-istandards ivarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Potenzjalment, dan ir-regolament jista’ jżid l-ilma disponibbli għall-irrigazzjoni b’4,9 biljun m3 fis-sena, bi tnaqqis ta’ aktar minn 5 % tal-istress tal-ilma b’mod ġenerali. Dan jiggarantixxi s-sikurezza tal-ilma reklamat u jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent.

2.3.

Dan ir-regolament jista’ jitqies bħala li jsaħħaħ l-ekonomija ċirkolari, itejjeb is-sigurtà alimentari tal-UE u jikkontribwixxi għas-saħħa pubblika. Huwa jindirizza direttament il-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi armonizzati dwar il-kwalità tal-ilma reklamat, li l-maġġoranza kbira tagħhom tintuża fl-agrikoltura. Hija prevista trasparenza pubblika akbar billi jintalab li l-informazzjoni adegwata u aġġornata dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma tkun disponibbli onlajn. Barra minn hekk, ir-regolament propost jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni mill-UE tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u, b’mod partikolari, l-SDG 6 dwar l-Ilma Nadif u s-Sanità. Huwa jikkomplementa l-proposta tal-Kummissjoni għal Politika Agrikola Komuni ġdida billi jikkontribwixxi għal immaniġġjar aħjar tal-ilma fl-agrikoltura, bil-bdiewa jkollhom aċċess għal provvista tal-ilma aktar sostenibbli.

2.4.

Għandu jiġi nnotat li dan ir-regolament huwa ppreżentat bħala parti minn programm kontinwu u l-intenzjoni fit-tul hija li jiġu kkunsidrati oqsma oħrajn ta’ użu mill-ġdid tal-ilma. Madankollu, dan ir-regolament speċifiku huwa ffokat sewwa u jittratta kważi b’mod esklussiv l-ipproċessar tal-ilma urban mormi diġà ttrattat sabiex ikun jista’ jintuża f’diversi forom ta’ irrigazzjoni agrikola. L-użu mill-ġdid domestiku u industrijali ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta preżenti u, sa ċertu punt, huwa diġà kopert — pereżempju fid-direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, li bħalissa qed tiġi riveduta (5).

3.   Il-kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1.

Ir-regolament propost jifforma parti minn approċċ integrat għall-immaniġġjar tal-ilma sabiex jindirizza l-problema severa u li qed tiżdied tal-istress tal-ilma madwar l-UE. Flimkien mal-miżuri ta’ ffrankar tal-ilma u effiċjenza tal-ilma, l-ilma ttrattat mill-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi jista’ jikkontribwixxi billi jipprovdi provvista alternattiva affidabbli.

3.2.

L-użu mill-ġdid tal-ilma ġeneralment ikollu impatt ambjentali aktar baxx minn provvisti tal-ilma alternattivi u jista’ joffri firxa ta’ benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Ir-regolament jiffoka fuq l-użu mill-ġdid tal-ilma għall-irrigazzjoni agrikola, li bħalissa jirrappreżenta madwar kwart tal-ilma ħelu totali estratt fl-UE.

3.3.

Minbarra l-Istati Membri, ir-regolament se jkun direttament applikabbli għall-operaturi tan-negozju, billi potenzjalment jistimula l-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġija ambjentali. Il-proposta tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-kwalità u l-monitoraġġ tal-ilma reklamat, tintroduċi kompiti ewlenin tal-immaniġġjar tar-riskji u toffri approċċ armonizzat għall-użu mill-ġdid tal-ilma għall-irrigazzjoni madwar l-UE. Speċifikament, il-proposta tistabbilixxi:

3.3.1.

Rekwiżiti minimi għall-kwalità tal-ilma reklamat u monitoraġġ, li jkopri elementi mikrobijoloġiċi (pereżempju, livelli ta’ batterji E. coli) u rekwiżiti ta’ monitoraġġ għal monitoraġġ ta’ rutina u validazzjoni. Dawn se jiggarantixxu li l-ilma reklamat prodott f’konformità mar-regolament propost ikun sikur għall-irrigazzjoni.

3.3.2.

Kompiti ewlenin tal-immaniġġjar tar-riskji li jżidu saff addizzjonali ta’ protezzjoni minbarra r-rekwiżiti minimi, jiġifieri l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe periklu addizzjonali li jeħtieġ li jiġi indirizzat sabiex l-użu mill-ġdid tal-ilma jkun sikur. Dan jinvolvi primarjament lill-operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni li jfassal Pjan għall-Immaniġġar tar-Riskji tal-Użu mill-ġdid tal-Ilma, li huwa neċessarju għall-ħruġ ta’ permess mill-awtorità kompetenti, li għandu jiġi rivedut mill-inqas kull ħames snin.

3.3.3.

Trasparenza akbar. Ir-regoli ġodda tat-trasparenza jirrikjedu li l-pubbliku jikseb informazzjoni onlajn, b’mod faċli għall-utent, dwar il-prattika tal-użu mill-ġdid tal-ilma fl-Istati Membri tiegħu. Se jkun meħtieġ att ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu stabbiliti regoli dettaljati rigward il-format u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta.

3.4.

Huwa previst li l-Istati Membri jiżviluppaw settijiet ta’ data li jkun fihom informazzjoni dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li regolarment tipprovdi ħarsiet ġenerali lejn l-implimentazzjoni tar-regolament fil-livell tal-Unjoni. L-ewwel evalwazzjoni hija skedata għal sitt snin wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament.

3.5.

Għandu jiġi nnotat li r-regolament propost ma jirrikjedix li l-Istati Membri jwettqu trattament tal-ilma mormi għall-irrigazzjoni. L-għan primarju tiegħu huwa li joħloq fiduċja fil-firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati – awtoritajiet tal-ilma, bdiewa, investituri u konsumaturi – li l-ogħla standards ta’ sikurezza ġew applikati b’mod konsistenti fil-provvista tal-ilma użat għal skopijiet ta’ irrigazzjoni. Dan se jkun avvanz konsiderevoli fuq il-prattika attwali.

3.6.

Hemm analiżi dettaljata ta’ kwistjonijiet tekniċi, partikolarment id-detezzjoni, l-istandards tas-sikurezza, il-parametri tal-livell limitu, fil-valutazzjoni tal-impatt kif ukoll fl-appoġġ tad-dokumentazzjoni tar-riċerka.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-Kumitat jappoġġja b’mod pożittiv dan ir-regolament bħala li jikkontribwixxi sabiex jittaffew il-pressjonijiet tat-tibdil fil-klima u bħala li huwa żieda utli mal-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) u l-ekonomija ċirkolari b’mod ġenerali. Aħna ninnotaw l-eżempji pożittivi ta’ użu mill-ġdid estensiv tal-ilma flimkien mal-produzzjoni agrikola, b’mod partikolari Ċipru u l-Iżrael, fejn kważi 90 % tal-ilma mormi ttrattat bħalissa qed jintuża mill-ġdid. Il-KESE jistaqsi jekk ir-regolament dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma kellux jeżamina wkoll il-kwistjoni dwar l-irkupru tas-sħana mill-ilma qabel dan imur fl-impjant tat-trattament. Dan it-tagħmir għandu jiġi installat fi djar b’familja waħda, djar b’bosta familji, pixxini u lukandi.

4.2.

Ir-regolament propost jirrikonoxxi s-supremazija tal-miżuri tal-iffrankar u l-effiċjenza tal-ilma fil-ġerarkija tal-immaniġġjar tal-ilma. L-għażla volontarja ta’ użu mill-ġdid tintgħażel biss meta tkun rilevanti, sikura u kosteffiċjenti. Hemm kamp ta’ applikazzjoni konsiderevoli għall-applikazzjoni tal-użu mill-ġdid tal-ilma għall-irrigazzjoni, b’mod partikolari fi wħud mill-Istati Membri tan-nofsinhar tal-UE, fejn huma prevalenti livelli baxxi; pereżempju, l-Italja u l-Greċja jużaw biss 5 % mill-ġdid u Spanja 12 %, u huwa inkoraġġanti li issa l-użu mill-ġdid tal-ilma qed jiżdied b’ritmu kostanti.

4.3.

Il-Kumitat jinnota li r-regolament huwa maħsub sabiex jistabbilixxi approċċ uniformi għall-istandards ta’ kwalità sabiex l-ilma jkun jista’ jintuża mill-ġdid. Fil-preżent, dan mhuwiex il-każ. Il-konsumaturi ġeneralment ma jkunux konxji tal-varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kwalità tal-ilma użat mill-ġdid għall-irrigazzjoni. Standard minimu wieħed jinkoraġġixxi l-adozzjoni u l-investiment, kif ukoll jipprovdi sigurtà akbar dwar kwistjonijiet ta’ saħħa għall-konsumaturi.

4.4.

Il-Kumitat jinnota wkoll li issa huwa previst tħassib dwar patoġeni, kontaminanti ta’ tħassib emerġenti, prodotti sekondarji tad-diżinfezzjoni u reżistenzi antibijotiċi (fl-Anness 2), abbażi tar-rapport tekniku tal-JRC dwar ix-Xjenza għall-Politika, li jesplora f’ħafna dettall il-ġestjoni tar-riskji għas-saħħa u għall-ambjent għall-użu mill-ġdid tal-ilma fl-irrigazzjoni agrikola (6). Dan għandu jiżgura li, fuq bażi ta’ kull proġett individwali, il-ħamrija, l-ilma ta’ taħt l-art, l-ilma tax-xorb u l-prodotti tal-ikel jiġu protetti.

4.5.

Hemm ħafna sitwazzjonijiet fejn ir-riżorsi tal-ilma konvenzjonali ġeneralment ikunu bi prezz baxx u ma jirriflettux il-kost ambjentali u tar-riżorsi. Barra minn hekk, għad hemm astrazzjoni illegali konsiderevoli mix-xmajjar u minn boreholes privati. Sabiex dan ir-regolament ikollu l-akbar impatt maħsub tiegħu, jeħtieġ li jiġu segwiti regolazzjoni effettiva tar-riżorsi tal-ilma u sistema ta’ infurzar u responsabbiltà attiva fl-Istati Membri kollha.

4.6.

Ir-regolament propost jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni definita għall-proġetti tal-użu mill-ġdid tal-ilma. Dan għandu jikkontribwixxi għal tqassim ċar tar-responsabbiltajiet fost l-atturi differenti taċ-ċiklu tal-ilma għall-użu mill-ġdid tal-ilma.

4.7.

Il-Kumitat jivvaluta l-opportunità offruta mir-regolament, li jinkoraġġixxi l-adattament jew id-disinn tal-impjanti tat-trattament tal-użu mill-ġdid sabiex jiffaċilitaw il-“fertigazzjoni”. Din hija ż-żamma fl-ilma pproċessat, skont ir-regoli tas-sikurezza, ta’ fertilizzanti li jinħallu, bħan-nitroġenu u l-fosfru u materja organika ta’ benefiċċju u li tarrikkixxi l-ħamrija li, matul l-użu domestiku u industrijali, daħlu fiċ-ċiklu tal-ilma. Dawn il-benefiċċji addizzjonali huma meqjusin sekondarji fejn il-benefiċċju ewlieni li jiġu pprovduti riżorsi ġodda tal-ilma permezz tal-użu mill-ġdid.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Għandu jiġi nnotat li t-terminu “użu mill-ġdid tal-ilma” jirreferi għall-użu tal-ilma li jiġi ġġenerat mill-ilma mormi (primarjament urban) u li, wara t-trattament, jikseb kwalità xierqa għall-użu maħsub tiegħu.

5.2.

L-enfasi ta’ dan ir-regolament hija primarjament fuq l-iżgurar tal-kwalità u s-sikurezza tal-użu mill-ġdid tal-ilma mill-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi. Dan ma jikkonċernax ir-regolamentazzjoni tal-ilma tajjeb għax-xorb jew miżuri diretti tal-effiċjenza tal-ilma. Madankollu, il-Kumitat jinnota li t-trattament effettiv tal-ilma mormi u l-użu mill-ġdid tiegħu għandhom benefiċċji ambjentali konsiderevoli meta mqabbla ma’ għażliet oħrajn. Pereżempju, fl-2017, in-nixfa wasslet għal telf stmat ta’ EUR 2 biljun għas-settur tal-biedja Taljan u l-kundizzjonijiet estremi tat-temp esperjenzati f’ħafna Stati Membri fis-sajf tal-2018 x’aktarx se jżidu din iċ-ċifra madwar l-UE. Madankollu, l-użu mill-ġdid tal-ilma jista’ jkopri stima ta’ 47 % tad-domanda għall-irrigazzjoni kollha fl-Italja, iżda fil-preżent dan qed jintuża biss b’mod limitat ħafna.

5.3.

Għalkemm il-potenzjal għall-użu tal-ilma reklamat fl-irrigazzjoni agrikola huwa preżenti b’mod qawwi fl-Istati Membri tan-nofsinhar, fil-ġejjieni, l-istimolu tekniku u operattiv li jiġġenera dan ir-regolament se jkun ta’ benefiċċju madwar l-UE kollha.

5.4.

Ir-responsabbiltà għall-iżgurar ta’ standards ta’ sikurezza alimentari, li b’mod ġenerali huma stabbiliti mill-UE b’referenza għar-Regolament dwar il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel, hija, kif xieraq, tal-Istati Membri. Ir-regolament propost se jiżgura li, fejn ikun hemm użu mill-ġdid tal-ilma għall-irrigazzjoni ta’ uċuħ tar-raba’, is-sikurezza tal-konsumaturi hija ta’ importanza kbira. L-importazzjonijiet agrikoli minn pajjiżi terzi huma inklużi fin-neċessità li jikkonformaw mal-liġijiet tal-UE dwar is-sikurezza alimentari, għalkemm fil-preżent ma hemmx rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw prattiki ta’ irrigazzjoni f’pajjiżi terzi. Huwa sostnut li l-istandards komuni tal-UE jistgħu jservu bħala mudell għal pajjiżi terzi u, b’mod partikolari, għall-imsieħba kummerċjali bilaterali tagħna, għalkemm dan ikun soġġett għal negozjati fuq livell internazzjonali. Diġà hemm użu sinifikanti tal-ilma mormi ttrattat u mhux ittrattat għall-irrigazzjoni madwar id-dinja, inklużi ħafna pajjiżi minn fejn l-UE timporta prodotti agrikoli.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar L-agrikoltura fin-negozjati kummerċjali, paragrafu 4.3 (ĠU C 173, 31.5.2017, p. 20).

(2)  L-istress tal-ilma jseħħ meta d-domanda għall-ilma taqbeż l-ammont disponibbli matul perjodu partikolari jew meta l-kwalità ħażina tirrestrinġi l-użu tiegħu.

(3)  COM(2012) 672 final.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa (ĠU C 327, 12.11.2013, p. 93).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).

(6)  JRC publication: Towards a legal instrument on water reuse at EU level.


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/99


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-politika ambjentali u b’hekk jemenda d-Direttivi 86/278/KEE, 2002/49/KE, 2004/35/KE, 2007/2/KE, 2009/147/KE u 2010/63/UE, ir-Regolamenti (KE) Nru 166/2006 u (UE) Nru 995/2010, u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u (KE) Nru 2173/2005”

(COM(2018) 381 final — 2018/0205 (COD))

(2019/C 110/19)

Relatur:

Vladimír NOVOTNÝ (CZ-I)

Konsultazzjonijiet

Parlament Ewropew, 11.6.2018

Kunsill, 22.6.2018

Bażi ġuridika

Artikoli 114, 192(1), 207 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Bureau

17.4.2018 (bi stennija tal-konsultazzjoni)

Sezzjoni Kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, Żvilupp Rurali u Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

5.10.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

359

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

208/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar dwar il-politika ambjentali u jistenna li tirriżulta f’żieda fit-trasparenza tar-rapporti u l-abbozzar tagħhom, il-provvista ta’ bażi empirika biex titkejjel l-effikaċja tal-politiki ambjentali, proċeduri semplifikati u inqas piż amministrattiv kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri.

1.2.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-approċċ ġdid tal-Kummissjoni Ewropea għar-rapportar ambjentali, li huwa bbażat fuq l-immodernizzar totali tal-proċeduri għall-ġbir tad-data, ir-rapportar u l-valutazzjoni ambjentali sussegwenti permezz tas-sistemi INSPIRE u Copernicus, it-trażmissjoni tad-data f’ħin reali u l-ipproċessar elettroniku tagħha. Il-KESE jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni tikkonforma mal-approċċ ta’ regolamentazzjoni aħjar u mal-programm REFIT.

1.3.

Il-KESE jirrakkomanda li l-bażijiet ta’ data ċentrali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) jintużaw biex id-data u l-informazzjoni dwar l-ambjent jiġu konnessi mad-data ġeografika, ekonomika u soċjali u biex din tiġi interpretata b’mod sħiħ.

1.4.

Il-KESE jerġa’ jħeġġeġ il-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu involuti fl-abbozzar u d-diskussjoni ta’ rapporti ambjentali fl-Istati Membri.

1.5.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-adattament għal bidliet fir-rekwiżiti speċifiċi ta’ rapportar ambjentali jaħdem aħjar minn approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”, sakemm il-kwalità għolja ta’ data u rapporti tinżamm.

1.6.

Il-KESE jinsab konvint li l-aġġornar tar-rapportar ambjentali u l-ipproċessar u l-valutazzjoni sussegwenti tad-data ambjentali jagħtu kontribut kbir biex jinkisbu l-għanijiet tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus).

1.7.

Il-KESE jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE, l-awtoritajiet u l-aġenziji tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent biex iżidu l-isforzi biex jittejbu l-aċċessibbiltà, iċ-ċarezza u l-valur informattiv tar-rapporti u l-informazzjoni ambjentali għal firxa wiesgħa tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tagħha f’dawn il-kwistjonijiet.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda li l-acquis rigward l-akkwist tad-data, l-informazzjoni u r-rapportar ambjentali jkomplu jiġu evalwati u riveduti fil-futur b’mod regolari, li l-intervall bejn l-akkwist, l-ipproċessar u l-publikazzjoni tad-data jitnaqqas u li l-aċċessibbiltà, it-trasparenza u ċ-ċarezza tagħhom jiżdiedu.

1.9.

Il-KESE jistieden lill-organizzazzjonijiet ambjentali biex ikunu aktar attivi fit-trawwim ta’ sensibilizzazzjoni pubblika tas-sitwazzjoni ambjentali fil-pajjiżi u r-reġjuni tagħhom. Huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkoraġġihom u tiffinanzjahom f’dan.

2.   Id-dokument tal-Kummissjoni

2.1.

Fl-2017, il-Kummissjoni ppubblikat evalwazzjoni komprensiva tal-Kontroll tal-Idoneità dwar ir-rapportar ambjentali. Din l-evalwazzjoni kopriet 181 obbligu ta’ rapportar minquxa fi 58 att ta’ leġislazzjoni ambjentali tal-UE.

2.2.

Din l-analiżi trażversali u komprensiva ta’ obbligi ta’ rapportar (1) twettqet biex iżżid it-trasparenza, tipprovdi bażi empirika għal evalwazzjonijiet fil-futur, u tissemplifika u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għall-Istati Membri u l-Kummissjoni.

2.3.

Valutazzjoni individwali tal-atti ta’ leġislazzjoni msemmija uriet li kien hemm lok għal titjib fir-rapportar stabbilit f’dan li ġej:

Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar il-ħsejjes ambjentali (3),

Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4): id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (5),

Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6): id-Direttiva INSPIRE (Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika) (7),

Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (9): id-Direttivi tal-UE dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats (10),

Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) dwar l-ittestjar fuq l-annimali (12),

Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) dwar Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (E-PRTR) (14),

Id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE (15) dwar il-ħama tad-drenaġġ,

Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) dwar l-injam,

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 (17) (CITES),

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 (18) dwar l-infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-settur forestali (FLEGT).

Bħalissa għaddej proċess biex jiġu allinjati l-proposti attwali tal-Kummissjoni Ewropea – ippreżentati fl-2018 – dwar l-ilma tajjeb għax-xorb, sustanzi niġġiesa organiċi persistenti, l-użu mill-ġdid ta’ ilma mormi u prodotti tal-plastik li jintużaw darba.

2.4.

Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, ġew abbozzati proposta għall-allinjament tal-atti individwali ta’ leġislazzjoni relatati ma’ rapporti ambjentali u pjan iddettaljat għall-implimentazzjoni tal-emendi proposti.

2.5.

L-għan tal-proposta huwa li jiġu ottimizzati l-obbligi eżistenti relatati mar-rapportar, it-trasparenza u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni kif stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, filwaqt li fl-istess ħin jiġu rrispettati l-prinċipji tan-neċessità, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Il-proposta tfittex ukoll li tallinja r-rekwiżiti tal-leġislazzjoni kkonċernata u li ttejjeb il-bażi empirika għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE.

2.6.

Il-proposta tinkludi passi biex jittejbu t-trasparenza u s-sussidjarjetà (fi tmien atti legali), tissemplifika jew teskludi obbligi ta’ rapportar (f’seba’ atti legali), tallinja skadenzi ta’ rapportar (fi tliet atti legali), tissemplifika l-ħarsiet ġenerali għall-UE kollha u tiċċara r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE (fi tmien atti legali) u tħejji għal evalwazzjonijiet futuri (f’ħames atti legali).

2.7.

Il-proposta tgħin biex ikun żgurat li l-pubbliku jkollu aċċess għal informazzjoni ambjentali ċara f’livell nazzjonali. Dan se jiżgura wkoll li l-pubbliku jkollu ħarsa ġenerali dwar dak li qed jiġri fil-qasam ambjentali fl-Ewropa kollha kemm hi u jgħin lill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jittrattaw kwistjonijiet transfruntiera. Barra minn hekk, il-proposta għandha tnaqqas il-piż fuq l-Istati Membri, tappoġġja s-sussidjarjetà u tagħmel l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni aktar disponibbli għall-pubbliku.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar ambjentali (19) bħala pass fundamentali lejn l-immodernizzar ġenerali tal-mod kif jiġu abbozzati u ppreżentati r-rapporti ambjentali. Jappoġġja l-użu tas-sistemi INSPIRE u Copernicus, l-għodod tal-ipproċessar tad-data elettronika, it-trażmissjoni tad-data f’ħin reali u, f’termini ta’ komunikazzjoni, il-bidla minn rapporti formali bil-miktub lejn il-bini ta’ bażijiet ta’ data ċentrali dinamiċi fil-livell tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Filwaqt li jtenni l-fehma tal-Kummissjoni u t-test tal-proposta għal regolament, il-KESE jinnota wkoll li dawn huma bidliet ta’ natura purament proċedurali u mhux sostantiva fid-diversi dokumenti legali li jikkonċernaw l-għażla ta’ indikaturi ambjentali, il-lista ta’ sustanzi regolati u l-limiti tagħhom.

3.2.

Fl-opinjoni tal-KESE, is-semplifikazzjoni u l-allinjament ta’ dawn il-proċeduri għall-abbozzar u l-preżentazzjoni ta’ rapporti ambjentali se jagħmlu dawn ir-rapporti aktar effettivi u trasparenti. Il-KESE jistenna li l-proposta tirriżulta f’piż imnaqqas u spejjeż imnaqqsa fir-rigward tar-rekwiżiti tar-rapportar kif stabbiliti fil-leġislazzjoni ambjentali tal-UE u fi tnaqqis sinifikanti fl-intervall bejn l-akkwist u l-pubblikazzjoni tad-data.

3.3.

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa essenzjali li mhux biss tiżdied id-disponibbiltà ta’ rapporti, iżda anke ċ-ċarezza ta’ dawn ir-rapporti u ta’ informazzjoni għal sezzjonijiet kbar tas-soċjetà ċivili. Itenni r-rwol essenzjali tas-soċjetà ċivili mhux biss bħala utent tal-informazzjoni ambjentali, iżda anke bħala parteċipant attiv fil-ġbir u d-diskussjoni ta’ din l-informazzjoni u dawn ir-rapporti. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu vvalutati l-impatti ambjentali u l-involviment tas-soċjetà ċivili fid-diskussjonijiet dwar dan.

3.4.

Il-proposta biex jiġu rriveduti numru ta’ atti ta’ leġislazzjoni eżistenti taqa’ fi ħdan il-programm tal-Kummissjoni dwar l-idoneità u l-prestazzjoni regolatorja tar-regolamentazzjoni (REFIT (20)). Il-KESE adotta Opinjoni dwar il-Programm REFIT (21), li fiha wera tħassib dwar in-nuqqasijiet identifikati fil-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u enfasizza l-ħtieġa għal valutazzjoni integrata u bbilanċjata tad-dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali.

3.5.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE (22), il-KESE enfasizza l-importanza li s-soċjetà ċivili tiġi involuta fit-teħid u l-analiżi tad-deċiżjonijiet, u din hija rilevanti wkoll fir-rigward tal-analiżi tal-leġislazzjoni dwar ir-rapportar ambjentali.

3.6.

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tinkludi kontroreferenzi għad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u d-Direttiva 2007/2/KE dwar l-informazzjoni ġeografika, u tiżgura konsistenza mar-rekwiżiti ta’ dawn id-Direttivi. Il-KESE adotta l-Opinjoni dwar L-aċċess għall-ġustizzja f’livell nazzjonali b’rabta ma’ miżuri li jimplimentaw il-liġi ambjentali tal-UE (24), li fiha enfasizza l-importanza tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus).

3.7.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tirreferi biss għar-rapportar ambjentali kif mitlub mil-leġislazzjoni tal-UE, ammont sinifikanti ta’ rapportar ambjentali huwa pprovdut fuq bażi volontarja fil-livell tan-negozji, it-trade unions, l-ibliet, il-muniċipalitajiet, organizzazzjonijiet oħra u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.7.1.

Eżempji ta’ dawn l-attivitajiet volontarji li jinkludu rapporti ambjentali huma: l-Inizjattiva Globali ta’ Rapportar (GRI) irrapportata fil-livell korporattiv; ir-rapporti ta’ assoċjazzjoni kummerċjali, bħall-Inizjattiva Responsible Care (CEFIC) fl-industrija kimika; u r-rapporti CSR (Responsabbiltà Soċjali Korporattiva), li ħafna drabi jinkludi element ambjentali.

3.7.2.

Lill-pubbliku jingħataw ukoll valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u informazzjoni relatata bħala parti mis-sistemi ta’ ġestjoni ambjentali tal-EMS u l-EMAS.

3.7.3.

Ir-rwol attiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-analiżi ta’ rapporti f’dawn il-kuntesti ilu li wera s-siwi tiegħu, billi jsaħħaħ il-fiduċja tas-soċjetà ċivili min-naħa waħda u n-negozju min-naħa l-oħra. Fil-livell lokali u internazzjonali, qed jiġu applikati wkoll proċeduri tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali fil-qasam tal-informazzjoni ambjentali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   It-titjib tat-trasparenza u tas-sussidjarjetà

Il-KESE jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea ttejjeb it-trasparenza u tippermetti aċċess pubbliku għal informazzjoni ambjentali aktar faċli għall-utent, filwaqt li tippreserva s-sussidjarjetà.

4.2.   Is-semplifikazzjoni jew l-esklużjoni ta’ obbligi ta’ rapportar

Il-KESE jemmen li sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, ikun utli li jiġi ssemplifikat il-proċess tal-għoti ta’ informazzjoni bbażata fuq test jew jinstab sostitut xieraq għalih, u li ssir enfasi fuq aċċess pubbliku aħjar għal informazzjoni. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tibda ħidma sabiex tistabbilixxi għadd ta’ indikaturi ambjentali komposti ewlenin li jkunu ċari għall-pubbliku ġenerali fil-pajjiżi kollha tal-UE. Din tagħmilha aktar faċli sabiex tikseb opinjoni dwar il-protezzjoni ambjentali fi ħdan il-pajjiżi jew ir-reġjuni u tagħti lok għal inizjattivi mmirati biex isibu tibdil għall-aħjar.

4.3.   L-allinjament tal-iskeda taż-żmien għar-rapportar

Il-KESE jappoġġja s-semplifikazzjoni tal-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta’ mapep tal-ħsejjes u pjani ta’ azzjoni skont id-Direttiva 2002/49/KE (25), il-ħolqien ta’ żmien suffiċjenti għal konsultazzjoni pubblika u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili waqt l-analiżi jew ir-reviżjoni ta’ pjani ta’ azzjoni. Il-KESE jappoġġja arranġamenti simili f’leġislazzjoni oħra, sakemm ma jkun hemm ebda tnaqqis fil-kwalità u d-disponibbiltà ta’ data u rapporti ambjentali.

4.4.   Is-semplifikazzjoni tal-ħarsiet ġenerali għall-UE kollha/il-kjarifika tar-rwoli tal-istituzzjonijiet

Fl-opinjoni tal-KESE, hemm bżonn li jiġi ċċarat u speċifikat aktar ir-rwol tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent fil-proċessi ta’ rapportar rilevanti.

4.5.   It-tħejjija għal evalwazzjonijiet futuri

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea żvelat numru ta’ duplikazzjonijiet, rabtiet neqsin u rekwiżiti mhux essenzjali kemm fid-data u l-istruttura ta’ rapportar kif ukoll fir-rekwiżiti dwar il-frekwenza, kif ukoll nuqqasijiet oħra fl-effettività tagħhom. Il-KESE jinsab konvint li fil-futur se jinstabu wkoll aktar nuqqasijiet. Huwa għalhekk jirrakkomanda li titwettaq evalwazzjoni regolari tal-funzjonament tal-acquis f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet u titlob lill-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għal dawn l-evalwazzjonijiet. Fl-Opinjoni tiegħu SC/045 dwar Leġislazzjoni valida għall-futur (26), il-KESE għamel rakkomandazzjonijiet dwar kif wieħed għandu jipproċedi f’leġislazzjoni futura.

4.6.   Id-data f’kuntest

Il-KESE jirrakkomanda li l-bażijiet ta’ data ċentrali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent jinbnew b’tali mod li d-data u l-informazzjoni ambjentali jiġu marbuta ma’ data ġeografika, ekonomika u soċjali biex ikunu jistgħu jiġu interpretati b’mod komprensiv u oġġettiv. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea lejn l-introduzzjoni ta’ regolamentazzjoni aħjar biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fir-rigward tar-reviżjoni tal-obbligi ta’ rapportar skont ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 dwar Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment (E-PRTR) rigward obbligi li huma ta’ importanza limitata. Fl-istess ħin, il-KESE jindika l-ħtieġa li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-kunfidenzjalità fir-rigward ta’ ċerti sigrieti kummerċjali, għalkemm dan m’għandux joħloq ostaklu għat-trasparenza u d-disponibbiltà ta’ rapporti u data ambjentali.

4.7.   Xi tibdil selettiv

Il-KESE jaħseb li l-bidliet proposti fil-futur għandhom jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet ta’ dispożizzjonijiet legali partikolari li jintroduċu obbligi ta’ rappurtar ambjentali u li ma jkunux irregolati minn approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”. Il-KESE jappoġġja wkoll l-allinjament tal-iskadenzi ta’ rapportar bejn id-Direttiva 2009/147/KE (id-Direttiva dwar l-Għasafar) u d-Direttiva 92/43/KEE (id-Direttiva dwar il-Ħabitats).

4.8.   L-inkoraġġiment ta’ involviment pubbliku attiv f’kwistjonijiet ambjentali

Il-KESE jistieden lill-organizzazzjonijiet ambjentali biex ikunu aktar attivi fit-trawwim ta’ sensibilizzazzjoni pubblika tas-sitwazzjoni ambjentali fil-pajjiżi u r-reġjuni tagħhom. Huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkoraġġihom u tiffinanzjahom f’dan.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  SWD(2017) 230.

(2)  ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12.

(3)  SWD(2016) 454.

(4)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.

(5)  SWD(2016) 121.

(6)  ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1.

(7)  COM(2016) 478 u SWD(2016) 273.

(8)  ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.

(9)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

(10)  SWD(2016) 472 final.

(11)  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33.

(12)  COM(2017) 631 u SWD(2017) 353.

(13)  ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1.

(14)  SWD(2017) 711.

(15)  ĠU L 181, 4.7.1986, p. 6.

(16)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.

(17)  ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.

(18)  ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1.

(19)  COM(2018) 381 final – 2018/0205 (COD).

(20)  https://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/evaluating-and-improving-existing-laws/refit-making-eu-law-simpler-and-less-costly_en

(21)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Programm REFIT (ĠU C 230, 14.7.2015, p. 66).

(22)  Opinjoni tal-KESE dwar Rieżami tal-Governanza Ekonomika (ĠU C 345, 13.10.2017, p. 114).

(23)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

(24)  Opinjoni tal-KESE dwar L-aċċess għall-ġustizzja f’livell nazzjonali b’rabta ma’ miżuri li jimplimentaw il-liġi ambjentali tal-UE (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 65).

(25)  Id-Direttiva 2007/2/KE.

(26)  Opinjoni tal-KESE dwar Leġislazzjoni valida għall-futur (ĠU C 487, 28.12.2016, p. 51).


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/104


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”

((COM(2018) 390 final — 2018/0210 (COD))

(2019/C 110/20)

Relatur:

Brian CURTIS (UK-II)

Konsultazzjoni mitluba mill-Kunsill

12.7.2018

Konsultazzjoni mitluba mill-Parlament Ewropew

2.7.2018

Bażi legali

L-Artikoli 42, 43(2), 91(1), 100(2), 173(3), 175, 188, 192(1), 194(2), 304 u 349 tat-TFUE

 

 

Deċiżjoni tal-Bureau

22/05/2018 (bi stennija tal-konsultazzjoni)

 

 

Sezzjoni kompetenti

L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

27.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Nru tas-Sessjoni plenarja

539

Riżultat

(favur/kontra/astensjonijiet)

214/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li tipprovdi sistema aktar flessibbli għall-Istati Membri f’konformità mal-prijoritajiet strateġiċi tagħhom, u għandha l-għan li tappoġġja mudell kummerċjali sostenibbli għas-sajjieda u żżomm il-kompetittività tas-settur tas-sajd. B’mod partikolari, il-KESE jitlob approvazzjoni rapida, mekkaniżmu ta’ finanzjament aktar aċċessibbli u sistema ta’ sanzjonijiet aktar proporzjonata u armonizzata. Is-soċjetà ċivili organizzata u l-pjattaformi reġjonali tal-partijiet interessati jeħtieġ ikunu involuti f’kull stadju tal-proċess, mill-abbozzar tal-pjani nazzjonali sal-implimentazzjoni u l-valutazzjoni finali.

1.2.

Il-KESE jqis li għandu jinżamm il-baġit attwali għall-FEMS (EUR 6,4 biljun). Dan huwa kruċjali biex jinkisbu l-bidliet u l-aġġornar radikali mitlubin mill-Unjoni Ewropea għas-settur tas-sajd. B’mod partikolari, għandu jiġi nnotat li l-FEMS attwali jammonta għal 0,6 % tal-QFP 2014-2020, li jfisser li kwalunkwe tnaqqis fil-finanzjament tiegħu se jkollu impatt negliġibbli fuq il-baġit ġenerali tal-UE kollha iżda jista’ jkollu konsegwenzi gravi ħafna għar-reġjuni kostali.

1.3.

Il-KESE jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni mhijiex ibbażata fuq valutazzjoni dettaljata tal-impatt ekonomiku u soċjali. Dan in-nuqqas huwa aggravat mill-fatt li s-settur tas-sajd ilu fi kriżi għal aktar minn 20 sena. Għalhekk, il-Kumitat jitlob l-involviment fil-pront tal-Kummissjoni Ewropea (speċifikament id-DĠ Impjiegi) u t-tnedija ta’ djalogu soċjali bbażat fuq is-settur sabiex jiġu identifikati l-aktar miżuri adatti bil-għan li jikkumpensaw għall-impatt ekonomiku u soċjali.

1.4.

Il-KESE jirrimarka li l-akkwakultura u l-ekonomija blu għadhom ’il bogħod ħafna milli jikkumpensaw għat-telf tal-intrapriżi u tal-postijiet tax-xogħol. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu mekkaniżmu ssemplifikat kemm għal proġetti tal-akkwakultura ġodda kif ukoll għall-immodernizzar ta’ dawk eżistenti.

1.5.

Il-FEMS il-ġdid għandu jagħti prijorità lid-dimensjoni soċjali biex isaħħaħ u jiffinanzja miżuri għall-promozzjoni u l-appoġġ tad-djalogu soċjali, is-sikurezza, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, it-tisħiħ tal-kompetenzi tal-ħaddiema u “t-tiġdid ġenerazzjonali”.

1.6.

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni aktar b’saħħitha billi jinfurzaw it-traċċabbiltà sħiħa tal-importazzjonijiet, kemm minn perspettiva tal-IUU, kif ukoll minn perspettiva tas-sikurezza alimentari. Il-ġlieda kontra kull forma ta’ skjavitù u sfruttar kemm abbord kif ukoll matul l-ipproċessar fuq l-art għandha tkun l-pedament tal-istrateġija globali tal-UE ġdida dwar is-sajd u l-governanza tal-oċeani.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda l-iffinanzjar ta’ bastimenti ġodda biex jissostitwixxu oħrajn qodma dment li l-flotta kkonċernata ma jkollha l-ebda kapaċità żejda u l-ispeċijiet fil-mira jkunu mistada fil-livelli tal-MSY. Din il-miżura għandha tinkludi l-użu ta’ magni aktar sostenibbli u effiċjenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ekwipaġġ.

1.8.

Il-Kumitat jirrakkomanda li jinżammu l-kriterji attwali biex jingħata appoġġ finanzjarju u kumpens f’każ ta’ waqfien temporanju jew permanenti tal-attività tas-sajd. Huwa importanti li kemm is-sajjieda kif ukoll is-sidien ta’ bastimenti tas-sajd ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn l-għodod finanzjarji.

1.9.

Il-Kumitat japprova l-proposta għal miżuri speċifiċi favur is-sajd kostali fuq skala żgħira, li huwa xprun kruċjali għall-għajxien u l-wirt kulturali ta’ ħafna komunitajiet kostali. Madankollu, sabiex jiġi appoġġjat mudell kummerċjali sostenibbli għas-sajd fuq skala żgħira huwa importanti wkoll li jitfasslu miżuri ta’ konservazzjoni u tekniċi speċifiċi għas-settur fejn dan jinsab l-aktar mifrux (eż. fil-Baħar Mediterran). Tali miżuri għandhom jiġu adattati għat-tipi differenti ta’ sajd u l-karatteristiċi bijoloġiċi ta’ kull tal-baħar. Il-KESE jqis li l-ġbir tad-data, il-kontroll u l-infurzar effettivi huma prekondizzjonijiet essenzjali għall-ġestjoni responsabbli tas-sajd, u jsaħħu l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi għas-sajjieda u għall-komunitajiet lokali.

2.   Introduzzjoni u metodoloġija

2.1.

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) il-ġdid huwa parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027. Il-FEMS huwa għodda fundamentali maħsuba sabiex tappoġġja l-kisba tal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), trawwem l-implimentazzjoni tal-politika marittima tal-Unjoni u ssaħħaħ il-governanza internazzjonali tal-oċeani, speċjalment fil-qafas tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

2.2.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iqis il-baġit fit-tul ġdid tal-UE bħala fattur kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir u l-koeżjoni u, b’mod aktar ġenerali, għall-ġejjieni tal-Ewropa. Għal din ir-raġuni, din l-Opinjoni hija marbuta mill-qrib mal-Opinjonijiet l-oħrajn kollha li janalizzaw fondi speċifiċi taħt il-QFP il-ġdid għall-perjodu 2021-2027 (1).

3.   Il-kontenut essenzjali tal-proposta

3.1.

Il-FEMS 2021-2027 il-ġdid se jiffoka fuq erba’ prijoritajiet:

It-trawwim tas-sajd sostenibbli u tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

Il-kontribut għas-sigurtà alimentari permezz ta’ akkwakultura u swieq sostenibbli u kompetittivi;

L-abilitazzjoni tat-tkabbir ta’ ekonomija blu sostenibbli u t-trawwim ta’ komunitajiet kostali prosperużi;

It-tisħiħ tal-governanza internazzjonali tal-oċeani u l-abilitazzjoni ta’ ibħra u oċeani mingħajr perikli, siguri, nodfa u ġestiti b’mod sostenibbli.

3.2.

Il-baġit tal-FEMS il-ġdid se jammonta għal EUR 6,14 biljuni fi prezzijiet kurrenti. Ir-riżorsi huma maqsuma prinċipalment bejn ġestjoni kondiviża u ġestjoni diretta. EUR 5,31 biljuni huma allokati taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri u EUR 0,83 biljun taħt ġestjoni diretta mill-Kummissjoni Ewropea.

3.3.

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tegħleb il-limitazzjonijiet tal-FEMS 2014-2020 u tistabbilixxi sistema ta’ finanzjament li tkun kapaċi tiffaċċja sfidi ġodda fil-qafas tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Il-karatteristiċi ewlenin tal-FEMS il-ġdid huma kif ġej:

3.3.1.   Semplifikazzjoni

Il-FEMS 2014-2020 huwa bbażat fuq deskrizzjoni riġida tal-possibbiltajiet ta’ finanzjament u r-regoli tal-eliġibbiltà, u dan wasal għal implimentazzjoni kkumplikata għall-Istati Membri u l-benefiċjarji. Il-FEMS 2021-2027 jipprovdi firxa usa’ ta’ possibbiltajiet li permezz tagħhom l-Istati Membri jistgħu jimmiraw l-appoġġ għall-prijoritajiet strateġiċi tagħhom. B’mod partikolari, ir-Regolament jiddeskrivi oqsma differenti ta’ appoġġ taħt kull prijorità, filwaqt li jipprovdi qafas flessibbli għall-implimentazzjoni. L-Istati Membri se jħejju l-programm tagħhom billi jindikaw l-aktar metodi adatti sabiex jintlaħqu l-prijoritajiet. Huma se jingħataw flessibbiltà fir-rigward tar-regoli tal-eliġibbiltà.

3.3.2.   Allinjament ma’ fondi oħrajn tal-UE

Fil-QFP il-ġdid, ir-regoli li japplikaw għall-fondi kollha huma stabbiliti f’Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR). B’mod partikolari, se jiġu żviluppati sinerġiji speċifiċi ma’ fondi oħrajn (il-FEŻR, il-FSE, eċċ.).

3.3.3.   Kundizzjonalità

F’konformità mal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) u l-SDG Nru 14 dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-UE hija impenjata favur il-promozzjoni tal-ekonomija blu sostenibbli, il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi u l-kisba ta’ status ambjentali tajjeb, il-projbizzjoni ta’ ċerti forom ta’ sussidji tas-sajd li jikkontribwixxu għal kapaċità żejda u sajd eċċessiv, l-eliminazzjoni tas-sussidji li jikkontribwixxu għal sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) u l-evitar ta’ introduzzjoni ta’ sussidji bħal dawn. Għal din ir-raġuni, ir-Regolament jistabbilixxi restrizzjonijiet u kundizzjonijiet (“operazzjonijiet ineliġibbli”) sabiex jiġu evitati impatti negattivi fuq il-konservazzjoni tas-sajd.

3.3.4.   Enfasi fuq il-prestazzjoni

Il-prestazzjoni tal-appoġġ tal-FEMS se tiġi vvalutata fuq il-bażi ta’ indikaturi. L-Istati Membri se jirrapportaw dwar il-progress lejn l-istadji ewlenin u l-miri stabbiliti. Il-Kummissjoni se twettaq analiżi tal-prestazzjoni annwali bbażata fuq rapporti tal-prestazzjoni mħejjija mill-Istati Membri, li jippermettu identifikazzjoni bikrija ta’ kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni potenzjali u ta’ azzjonijiet korrettivi.

3.3.5.   Sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika

Is-sajd sostenibbli u l-akkwakultura huma fost l-għanijiet ewlenin tal-PKS. F’konformità ma’ kunċett wiesa’ ta’ sostenibbiltà, il-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tax-xogħol jeħtieġ jiġu segwiti flimkien ma’ objettivi ambjentali. Ir-rendiment massimu sostenibbli (MSY) se jibqa’ l-metodu ewlieni għall-iżgurar ta’ sajd sostenibbli. Se jiġi pprovdut appoġġ għat-tranżizzjoni lejn attivitajiet aktar sostenibbli. Il-kumpens għall-waqfien straordinarju tal-attivitajiet tas-sajd jingħata biss jekk l-impatt ta’ tali ċirkostanzi fuq is-sajjieda jkun sinifikanti (2). Is-sajd kostali fuq skala żgħira, ir-reġjuni ultraperiferiċi, it-tiġdid ġenerazzjonali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol kollha se jkollhom enfasi speċifika u appoġġ taħt il-FEMS il-ġdid. L-obbligu ta’ ħatt l-art jista’ jibqa’ aspett kritiku minħabba l-implikazzjonijiet finanzjarji kbar tiegħu. Għal din ir-raġuni, il-FEMS se jappoġġja l-innovazzjoni u l-investimenti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art, bħal investimenti f’irkaptu tas-sajd selettiv, fit-titjib tal-infrastruttura tal-portijiet u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ qabdiet mhux mixtieqa. Fl-aħħar nett, se jiġi pprovdut appoġġ lis-sajjieda u ‘l-portijiet għal sistemi moderni tal-ġbir u l-immaniġġjar tal-iskart ta’ rkaptu tas-sajd mitluf u skart tal-baħar.

3.4.

Aktar minn 60 % tal-ħut ikkonsmat fl-UE jiġi importat minn pajjiżi terzi (3). Sabiex jimtela l-vojt, huwa saħansitra meħtieġ li minbarra lill-attivitajiet tas-sajd, jingħata appoġġ lill-akkwakultura, li tipprovdi ħut li jilħaq standards ta’ kwalità għolja u li huwa disponibbli bi prezzijiet affordabbli. Għal din ir-raġuni, il-FEMS se jappoġġja l-promozzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura, inkluża l-akkwakultura tal-ilma ħelu.

3.5.

60 % tal-oċeani huma lil hinn mill-fruntieri ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali. Dan ifisser li jeħtieġ li l-UE tkun aktar attiva u jkollha rwol aktar b’saħħtu fl-isfida globali tal-governanza tal-oċeani. Il-FEMS se jappoġġja dan l-impenn għal oċeani mingħajr perikli, siguri, nodfa u ġestiti b’mod sostenibbli taħt ġestjoni diretta. Fl-aħħar nett, il-protezzjoni mtejba tal-fruntieri (kooperazzjoni tal-gwardja tal-kosta) u s-sorveljanza marittima huma sfidi emerġenti li se jkunu ffinanzjati mill-FEMS 2021-2017.

3.6.

Dan l-appoġġ se jkun ikkomplementat minn finanzjament speċifiku għall-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, il-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPAs) u s-sħubija tal-Unjoni f’organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, li jikkontribwixxu wkoll għall-infurzar tal-politiki tal-Unjoni fis-settur tas-sajd u fis-settur marittimu.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li tipprovdi sistema aktar flessibbli għall-Istati Membri f’konformità mal-prijoritajiet strateġiċi tagħhom, u għandha l-għan li tappoġġja mudell kummerċjali sostenibbli għas-sajjieda u żżomm il-kompetittività tas-settur tas-sajd. B’mod partikolari, il-Kumitat jirrimarka li l-problema ewlenija tal-FEMS attwali hija l-livell baxx ta’ implimentazzjoni (4). Din is-sitwazzjoni għandha żewġ kawżi ewlenin:

L-approvazzjoni tardiva u konsegwentament l-implimentazzjoni tard. Il-koleġislaturi adottaw ir-Regolament tal-FEMS mhux qabel Mejju 2014 u mbagħad l-Istati Membri kellhom bżonn żmien addizzjonali sabiex ifasslu u japprovaw il-programmi nazzjonali tagħhom.

Is-sistema attwali hija kkumplikata u burokratika żżejjed. Barra minn hekk, ħafna sajjieda jdumu jtellgħu u jniżżlu qabel japplikaw għal finanzjament minħabba r-riskju finanzjarju sproporzjonat li jista’ jkollhom. Skont l-Artikolu 12(2) tal-proposta (li żżomm id-dispożizzjonijiet eżistenti), jekk matul perjodu ta’ ħames snin wara l-pagament finali, huma jikkommettu xi ksur serju (5), dawn isiru ineliġibbli b’mod retroattiv u jkunu obbligati li jirrimborżaw kulma jkunu rċevew. Dan ir-rekwiżit għandu jitneħħa.

4.2.

Għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, il-KESE jitlob approvazzjoni rapida, mekkaniżmu ta’ finanzjament aktar aċċessibbli u sistema ta’ sanzjonijiet aktar proporzjonata u armonizzata. Is-sajjieda kollha għandhom iqisu l-FEMS bħala sistema faċli għall-utenti maħsuba sabiex ittejjeb l-attività tagħhom f’termini ta’ sostenibbiltà u kwalità. Dan l-aspett ser ikollu rwol kruċjali għall-implimentazzjoni u l-konformità mas-sistema ta’ kontroll tas-sajd il-ġdida proposta reċentement mill-Kummissjoni Ewropea (6). Il-Kumitat jirrakkomanda li s-soċjetà ċivili organizzata u l-pjattaformi reġjonali tal-partijiet interessati jkunu involuti f’kull stadju tal-proċess, mill-abbozzar tal-pjani nazzjonali sal-implimentazzjoni u l-valutazzjoni finali.

4.3.

Il-baġit tal-FEMS il-ġdid (EUR 6,14 biljuni) tnaqqas (-4 %) meta mqabbel mal-FEMS 2014-2020 li għadu għaddej (EUR 6,4 biljuni). Il-KESE huwa konxju li l-Brexit huwa raġuni konkreta għal dan it-tnaqqis finanzjarju. Madankollu, il-KESE jirrimarka li l-bidliet radikali mitlubin mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tas-settur tas-sajd, li jimpjega 150 000 sajjied, u fil-katina kollha tal-valur, 730 000 ħaddiema li jiġġeneraw kważi EUR 400 biljun fis-sena f’pagi u profitti, jirrikjedu ammont ogħla jew, għall-inqas, ebda tnaqqis fil-baġit attwali. B’mod partikolari, għandu jiġi nnotat li l-FEMS attwali jammonta għal 0,6 % tal-QFP 2014–2020, li jfisser li kwalunkwe tnaqqis fil-finanzjament tiegħu se jkollu impatt negliġibbli fuq il-baġit ġenerali tal-UE kollha iżda jista’ jkollu konsegwenzi gravi ħafna reġjuni kostali.

4.4.

Il-KESE jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni mhijiex ibbażata fuq valutazzjoni dettaljata tal-impatt ekonomiku u soċjali. Dan in-nuqqas huwa aggravat mill-fatt li s-settur tas-sajd ilu fi kriżi għal aktar minn 20 sena u l-miżuri previsti sabiex jinkisbu sajd u akkwakultura aktar sostenibbli ma rnexxielhomx ireġġgħu lura x-xejra (7). Għalhekk, il-Kumitat jitlob l-involviment fil-pront tal-Kummissjoni Ewropea (speċifikament id-DĠ Impjiegi) u t-tnedija ta’ djalogu soċjali (8) bbażat fuq is-settur sabiex jiġu identifikati l-aktar miżuri adatti bil-għan li jikkumpensaw għall-impatt ekonomiku u soċjali.

4.5.

Il-KESE jirrimarka li l-miżuri li ttieħdu għall-iżvilupp tal-akkwakultura u tal-ekonomija blu għadhom ’il bogħod ħafna milli jikkumpensaw għat-telf tal-intrapriżi u tal-postijiet tax-xogħol, prinċipalment minħabba sistema eċċessivament burokratika. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw mekkaniżmu ssemplifikat kemm għal proġetti ġodda tal-akkwakultura kif ukoll għall-immodernizzar ta’ dawk eżistenti b’enfasi speċifika, fil-livell reġjonali, b’definizzjoni ta’ żoni ta’ allokazzjoni tal-akkwakultura (AZA).

4.6.

Is-sajd sostenibbli jibqa’ l-għan ewlieni u s-settur tas-sajd għandu jkun jista’ jilħaq dan l-għan. Madankollu, din il-prijorità kif proposta mill-Kummissjoni ma tiċċarax jekk il-miżuri ffinanzjati taħt il-FEMS attwali humiex inklużi għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-sigurtà, eż. għal taħriġ, servizzi ta’ konsulenza, promozzjoni tal-kapital uman, id-djalogu soċjali, sajjieda żgħażagħ jew is-saħħa u s-sikurezza. Kif identifikat mill-industrija u l-amministrazzjonijiet, hemm problema ta’ skarsezza ta’ professjonisti b’ħiliet, u dan ifixkel “it-tiġdid ġenerazzjonali”. Il-KESE jħeġġeġ lill-koleġislaturi biex jagħtu prijorità lid-dimensjoni soċjali biex issaħħaħ u tiffinanzja miżuri għall-promozzjoni u l-appoġġ tad-djalogu soċjali, is-sikurezza, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, it-tisħiħ tal-kompetenzi tal-ħaddiema. Inkella, il-professjonisti żgħażagħ mhux ser jitħajru għal din l-industrija.

4.7.

L-immodernizzar tal-bastimenti sabiex tiżdied is-sikurezza abbord mingħajr ma tiżdied il-kapaċità tas-sajd, it-tiġdid ġenerazzjonali, flimkien ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol, taħriġ u salarji adatti huma indikaturi kruċjali tan-nuqqasijiet tal-UE fit-tkabbir u s-saħħa. Il-FEMS għandu jinvolvi lis-sajjieda fil-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar anki permezz tal-appoġġ minn irkaptu innovattiv sabiex tiżdied is-selettività, studji tal-impatt jew mitigazzjoni tal-impatti tas-sajd, fost l-oħrajn. F’dan il-qafas, l-approċċ ta’ “downshifting” meħud mill-Kummissjoni mhux se jkun jista’ jsolvi l-problemi kollha marbuta mas-sostenibbiltà u l-kompetittività.

4.8.

Il-KESE jinnota li l-biċċa l-kbira tal-ħut importat minn pajjiżi terzi nqabad b’mod inqas sostenibbli mill-qabdiet komparabbli tal-UE, biex ma nsemmux il-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord jew dawk relatati mal-ipproċessar fuq l-art. Il-prezzijiet aktar baxxi li jirriżultaw jirrappreżentaw kompetizzjoni inġusta mas-sajjieda tal-UE, u jagħmlu ħsara lil kwalunkwe prospett li jinkisbu prezzijiet minimi stabbli “fl-ewwel bejgħ”, li huma prerekwiżit għas-sopravivenza tagħhom. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni aktar b’saħħitha billi jinfurzaw it-traċċabbiltà sħiħa tal-importazzjonijiet, kemm minn perspettiva tal-IUU, kif ukoll minn perspettiva tas-sikurezza alimentari, u sabiex jorganizzaw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-kwalità tal-ħut Ewropew. Barra minn hekk, jeħtieġ jitrażżnu l-prattiki dubjużi ta’ bejgħ bl-imnut, bħall-wiri ta’ ħut li jkun inħareġ mill-friża u ppreżentat bħala ħut frisk b’tikkettar li ma jkunx ċar u jkun ambigwu.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Il-Kumitat japprova l-approċċ il-ġdid meħud mill-Kummissjoni Ewropea, li għandu l-għan li jistabbilixxi qafas ġenerali mingħajr miżuri preskrittivi, billi joffri aktar flessibbiltà għall-Istati Membri, għall-awtoritajiet tal-implimentazzjoni u għall-benefiċjarji. B’mod partikolari, din is-sistema ssemplifikata għandha tagħti l-opportunità li jinħolqu programmi nazzjonali mfassla apposta. Madankollu, jeħtieġ li dan iseħħ filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-aċċess għal finanzjament madwar l-UE. Barra minn hekk, is-CPR, li jinkludi r-regoli ta’ implimentazzjoni kollha, għandu jiffaċilita l-użu konġunt ta’ programmi differenti ta’ finanzjament tal-UE. Għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi ċari biex jivverifikaw li l-flus pubbliċi fil-fatt jintefqu fejn ikunu l-aktar meħtieġa u li l-għajnuna finanzjarja tiġi allokata għall-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani.

5.2.

Il-KESE jappoġġja l-proposta sabiex jiġu stabbiliti erba’ prijoritajiet ewlenin. B’mod partikolari, il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir l-enfasi speċifika fuq il-governanza tal-oċeani u l-iżvilupp lokali, f’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu, biex jintlaħqu l-SDGs u jingħata appoġġ lis-sajd fuq skala żgħira (9). Madankollu, il-KESE, jirrimarka li reċentement instabu każijiet ta’ skjavitù u sfruttar fuq bastimenti Ewropej (10) u sfortunatament, tali prattiki huma saħansitra iktar mifruxa f’pajjiżi terzi (inkluża l-skjavitù tat-tfal). Il-Kumitat iqis li l-istrateġija globali ġdida segwita mill-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ġlieda kontra kull forma ta’ sfruttar tal-bnedmin bħala bażi fundamentali.

5.3.

Il-Kumitat iqis it-tiġdid tal-flotta bħala problema ewlenija minħabba li, bħala medja, il-bastimenti tas-sajd Ewropej għandhom aktar minn 30 sena u ħafna drabi rikondizzjonar sempliċi ma jkunx biżżejjed. Il-KESE jirrakkomanda promozzjoni favur l-iffinanzjar ta’ bastimenti ġodda biex jissostitwixxu oħrajn qodma dment li l-flotta kkonċernata ma jkollha l-ebda kapaċità żejda u l-ispeċijiet fil-mira jkunu mistada fil-livelli tal-MSY. Barra minn hekk, fid-dawl tal-istrateġija tal-IMO dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra minn bastimenti li għandha l-għan li l-emissjonijiet annwali totali jitnaqqsu b’mill-inqas 50 % sal-2050, il-bastimenti akbar hemm bżonn jibdlu l-magni tagħhom biex jadattaw u jikkonformaw ma’ dan l-għan internazzjonali. Huwa għalhekk essenzjali li jiġi nkluż l-akkwist ta’ magni aktar sostenibbli u effiċjenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ekwipaġġ. Fil-fatt, kif tistma l-FAO, is-sajd huwa attività potenzjalment perikoluża u huwa meħtieġ taħriġ adatt għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol biex jitnaqqas l-għadd ta’ fatalitajiet, korrimenti u mard relatat max-xogħol (11). Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jeħtieġ tingħata importanza biex issir distinzjoni tal-kapaċità tas-sajd u l-protezzjoni tal-bijodiversità mit-tiġdid tal-flotot u l-magni.

5.4.

L-għajnuna għal waqfien temporanju kellha rwol kruċjali biex ittejjeb l-istatus tar-riżorsi, b’mod partikolari fir-rigward tal-istaġuni magħluqin, u fl-istess ħin sabiex tikkumpensa b’mod parzjali lis-sajjieda għat-telf ta’ introjtu. Il-Kummissjoni żżomm din il-miżura fil-qafas finanzjarju l-ġdid iżda tipproponi rekwiżiti ġodda li ma kinux jeżistu fir-Regolament preċedenti. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ rapporti dwar l-użu ħażin ta’ fondi għal skopijiet ta’ waqfien temporanju, il-Kummissjoni għandha tirrispetta u żżomm il-kriterji preċedenti sabiex din l-assistenza tingħata lill-akbar numru ta’ sajjieda li jistgħu jiġu bżonnha. L-istess prinċipju għandu jiġi applikat għall-waqfien permanenti. Fiż-żewġ każijiet, huwa importanti li jkunu s-sajjieda li jibbenefikaw minn dan l-appoġġ finanzjarju u mhux biss is-sid tal-bastimenti tas-sajd, kif stabbilit permezz tal-FEMS attwali.

5.5.

Is-sajd huwa attività tal-istaġun u l-qabdiet jistgħu jkunu inċerti, u fi żminijiet jiżbqu l-bżonnijiet tas-suq. Għalhekk huma meħtieġa mezzi għall-ġestjoni adatta tal-produzzjoni żejda, li jgħinu biex jistabbilizzaw parti mill-produzzjoni qabel ma titpoġġa għall-bejgħ, b’mod partikolari f’każ ta’ tnaqqis fil-qabdiet. Biex jinkiseb dan, il-FEMS għandu jkompli jappoġġja l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li għandhom bżonn mekkaniżmu ta’ ħżin temporanju għal prodotti tas-sajd intenzjonati għall-konsum mill-bniedem. Biex tiġi żgurata l-operabbiltà sħiħa tagħha, din l-għajnuna għandha tkun disponibbli mingħajr dewmien. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja ż-żamma ta’ mekkaniżmi li jikkumpensaw l-ispejjeż tal-ħażna.

5.6.

It-tiġdid ġenerazzjonali huwa kwistjoni kritika oħra għall-ġejjieni tas-settur. Xi inizjattivi ġodda maħsuba sabiex jiffaċilitaw ix-xiri ta’ bastiment użat, it-taħriġ vokazzjonali u kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba jistgħu jkunu utli, iżda ma jsolvux il-problema ewlenija: redditu baxx fuq l-investimenti. Dan huwa partikolarment ovvju fis-sajd fuq skala żgħira, b’bastimenti taħt it-12-il metru operati fil-livell tal-familja. Il-KESE jinnota li t-telf kostanti tal-bastimenti u tal-postijiet tax-xogħol jikkontradixxi t-tbassir tal-Kummissjoni li l-produzzjoni tas-settur tas-sajd tal-UE se tirdoppja sal-2030, f’konformità mat-tkabbir globali stmat (12).

5.7.

Il-Kumitat japprova l-proposta għal miżuri speċifiċi favur is-sajd kostali fuq skala żgħira, li huwa xprun kruċjali għall-għajxien u l-wirt kulturali ta’ ħafna komunitajiet kostali. Dan jirrappreżenta 75 % tal-bastimenti tas-sajd kollha rreġistrati fl-UE u kważi nofs l-impjiegi kollha. Matul l-aħħar deċennji, is-sajd tradizzjonali u fuq skala żgħira ħallas l-ogħla prezz għall-kriżi u hija meħtieġa strateġija speċifika sabiex terġa’ tinkiseb pożizzjoni soda fis-suq. Din l-inizjattiva se jkollha wkoll effetti pożittivi fuq il-komunitajiet lokali batuti.

5.8.

Il-Kumitat huwa tal-fehma li huma meħtieġa approċċi innovattivi sabiex jiġu amministrati d-drittijiet tas-sajd fuq skala żgħira, filwaqt li hija essenzjali kollaborazzjoni ulterjuri sabiex tgħin lis-settur jimmaniġġja l-kwoti/jiem tagħhom fuq il-baħar, jorbot il-produzzjoni mal-kummerċjalizzazzjoni jew isolvi kwistjonijiet relatati ma’ speċijiet bi kwota limitanti. Il-komunitajiet kostali u l-ambjent tal-baħar jibbenefikaw l-aktar meta l-opportunitajiet tas-sajd jiġu allokati abbażi ta’ kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi trasparenti. Il-fondi li jippromovu s-sostenibbiltà u l-proċessi parteċipattivi jistgħu jikkontribwixxu għall-indirizzar ta’ dawn l-isfidi u jinkludu azzjonijiet bħall-iffaċilitar ta’ workshops jew it-tfassil ta’ proċessi parteċipattivi maħsuba sabiex jinteraġixxu ma’ xjenzjati u partijiet interessati oħrajn.

5.9.

L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) kien għodda utli ħafna matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Din l-istrateġija kellha rwol importanti fit-tisħiħ tad-diversifikazzjoni ekonomika fil-komunitajiet lokali. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat japprova l-proposta biex l-istrateġija tiġi estiża sabiex tkopri s-setturi kollha tal-ekonomija blu. Madankollu, l-allokazzjoni ta’ finanzjament għal ekonomija blu sostenibbli għandha tiżgura benefiċċji soċjali u ekonomiċi għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri, tirrestawra u tipproteġi d-diversità, il-produttività, ir-reżiljenza u l-valur intrinsiku tal-ekosistemi tal-baħar; kif ukoll tippromovi t-teknoloġiji nodfa, l-enerġija rinnovabbli u l-flussi ta’ materjal ċirkolari.

5.10.

Il-Kumitat iqis id-Dikjarazzjoni ta’ Malta tal-2017 “MedFish4Ever” bħala l-pedament tal-azzjoni tal-UE. Madankollu, il-KESE jemmen li l-miżuri tekniċi u ta’ konservazzjoni speċifiċi għandhom jiġu adattati għall-forom differenti ta’ sajd u għall-karatteristiċi bijoloġiċi tal-Baħar Mediterran. Fil-fatt, il-KESE innota li l-mudell ta’ suċċess offrut mill-pjan pluriennali għas-sajd ta’ speċi waħda (eż. il-Baħar Baltiku) huwa inqas effettiv għas-sajd imħallat (eż. il-Baħar Mediterran) (13). Barra minn hekk, il-metodi tas-sajd fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tal-Ewropa huma kompletament differenti. B’mod partikolari, is-sajd fil-Baħar Mediterran huwa kkaratterizzat mis-sajd tradizzjonali u fuq skala żgħira (14). Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jirrakkomanda li ssir promozzjoni għar-riċerka dwar il-valutazzjoni tal-istokkijiet u l-ġbir tad-data bil-għan li jitħejjew sistemi aktar effiċjenti u mfassla apposta sabiex jipproteġu l-bijodiversità. Il-ġbir tad-data, il-kontroll u l-infurzar effettivi huma prekondizzjonijiet essenzjali għall-ġestjoni responsabbli tas-sajd, u jsaħħu l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi għas-sajjieda u għall-komunitajiet lokali.

5.11.

Kif kien imbassar diġà mill-KESE (15), l-obbligu ta’ ħatt l-art huwa waħda mill-problemi ewlenin għas-settur, kemm għall-kumpaniji tas-sajd kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali, minħabba l-kumplessità tiegħu u l-ispejjeż għoljin tat-tranżizzjoni għal sajd aktar sostenibbli (jiġifieri l-użu ta’ rkaptu selettiv speċifiku). Il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-kontroll tas-sajd (16) jeħtieġ testendi l-obbligi attwali għal bastimenti fuq skala żgħira u, b’mod ġenerali, ser tistabbilixxi dmirijiet u kompiti ġodda għas-settur kollu (jiġifieri CCTV obbligatorja abbord). Il-KESE jqis li hija meħtieġa sistema ta’ kontroll aktar issemplifikata, flessibbli u prammatika u għandu jiġi pprovdut appoġġ adatt fuq livell nazzjonali lil għadd kbir ta’ bastimenti. Għal din ir-raġuni, l-implimentazzjoni b’suċċess tas-sistema l-ġdida ta’ kontroll hija strettament marbuta mal-implimentazzjoni rapida u sħiħa tal-FEMS 2021-2027 sabiex is-sajjieda kollha jingħataw għajnuna biex ikunu konformi mar-Regolament il-ġdid (17).

5.12.

Il-KESE jirrimarka li d-Direttiva ġdida tal-UE dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik (18) (jiġifieri rkaptu tas-sajd użat) flimkien mad-Direttiva ġdida dwar il-faċilitajiet portwarji ta’ akkoljenza (19) joħolqu xenarji u opportunitajiet ġodda għas-sajd sostenibbli u għall-ekonomija ċirkolari. Il-miżura maħsuba sabiex tinkoraġġixxi r-ritorn tal-irkaptu tas-sajd permezz ta’ inċentivi għas-sajjieda għandha tiġi estiża għar-ritorn tal-iskart tal-baħar u tal-iskart l-ieħor kollu miġbur matul l-attivitajiet tas-sajd.

5.13.

Din l-inizjattiva għandha tkun fundamentali għas-settur minħabba li, skont il-liġijiet fis-seħħ bħalissa, is-sajjieda huma obbligati li jħallsu sabiex jiddisponu minnhom fil-portijiet. Dan ifisser li, illum il-ġurnata, is-sajjieda qegħdin iħallsu sabiex inaddfu l-oċean u jarmu skart li ma jkunux ipproduċew huma stess, iżda li jkun inġabar minnhom. Il-KESE jemmen li s-sajjieda jistgħu jipprovdu valur miżjud importanti u, b’taħriġ adegwat, l-att tat-tindif jista’ jsir attività ekonomika oħra li tħalli profitt fuq l-istess linji bħat-turiżmu tas-sajd (l-ekonomija blu) (20).

5.14.

Il-KESE, f’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi allokat 25 % tal-baġit kollu tal-UE għal azzjoni għat-tibdil fil-klima, jipproponi li parti sinifikanti minn dawn il-flus tiġi allokata għar-rinnovazzjoni tal-portijiet, bil-għan li “tingħalaq il-lakuna” tal-immaniġġjar tal-iskart tal-baħar u titrawwem ekonomija ċirkolari. Għandhom jiġu allokati fondi speċifiċi, fil-qafas ta’ strateġija usa’ ta’ prevenzjoni tal-iskart tal-baħar, għat-tindif tax-xmajjar (21). Il-KESE huwa tal-fehma li l-mudelli ta’ governanza miftuħa li jinvolvu lill-awtoritajiet pubbliċi u lis-soċjetà ċivili organizzata fil-livell lokali, bħal “kuntratti tax-xmajjar”, jistgħu jiġu rreplikati b’approċċ strutturat, li jippromovi l-ħolqien ta’ netwerks transkonfinali (22).

5.15.

Ħafna partijiet interessati identifikaw xi diffikultajiet sabiex jiksbu kundizzjonijiet ekwi f’oqsma fejn hemm użi oħrajn tal-baħar, b’mod partikolari f’żoni kondiviżi ma’ flotot minn pajjiżi terzi (23). Għal din ir-raġuni, rwol aktar b’saħħtu tal-UE fil-governanza internazzjonali tal-oċeani jista’ joffri aktar opportunitajiet f’termini ta’ sostenibbiltà ambjentali u kompetizzjoni ġusta.

5.16.

Il-KESE jappoġġja l-infurzar ta’ kontrolli fuq il-vapuri minn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-Kumitat jirrimarka li sistema ta’ traċċabbiltà aħjar għall-ħut minn pajjiżi terzi tkun utli għall-indirizzar tal-frodi u l-garanzija tas-sikurezza alimentari.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Opinjonijiet tal-KESE: Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali wara l-2020 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106); Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 83); Regolament dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea 2021-2017 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 90); Regulation on European Territorial Cooperation 2021-2027 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 116); Regolament dwar il-kooperazzjoni transkonfinali (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 124); Fond Soċjali Ewropew Plus (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 165); Proposta għal Orizzont Ewropa (għall-FP9 il-ġdid) (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 33).

(2)  Jekk l-attivitajiet kummerċjali tal-bastiment ikkonċernat jitwaqqfu għal mill-inqas 90 jum konsekuttiv u jekk it-telf ekonomiku li jirriżulta mill-waqfien jammonta għal aktar minn 30 % tal-fatturat medju annwali tan-negozju kkonċernat matul perjodu ta’ żmien speċifikat.

(3)  COM(2018) 390 p. 12.

(4)  Il-FEMS attwali 2014-2020 ġie implimentat sa punt limitat ħafna. B’mod partikolari, 29 % tar-riżorsi finanzjarji ġew allokati għal proġetti magħżula u 8 % biss tal-baġit totali ntefaq mill-proġetti magħżula. Data: Il-Kummissjoni Ewropea. https://cohesiondata.ec.europa.eu/funds/emff#

(5)  Ksur serju jġorr miegħu penali. Tali penali jista’ jvarja fi proporzjon mas-serjetà tal-ksur. Fi Spanja, pereżempju, dan jista’ jvarja bejn EUR 601 u EUR 60 000. Dan ifisser li sajjied jista’ jeħel penali, fi proporzjon mal-gravità tal-ksur, ta’ EUR 601 biss, iżda bħala riżultat tal-Artikolu 10(2) jista’ jitlef sa mijiet ta’ eluf ta’ euro f’appoġġ għal investiment li jista’ jkun tlesta u tħallas sa ħames snin qabel. Dan l-impatt huwa partikolarment enormi fuq is-sajd fuq skala żgħira.

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar Kontroll tas-sajd, (ara paġna 118 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Pereżempju, fl-Italja, fuq tul ta’ 8 000 km ta’ kosta, in-numru ta’ bastimenti tas-sajd naqas b’madwar 33 % fl-aħħar 30 sena. Bħala medja, il-vapuri għandhom 34 sena u jeħtieġu rikondizzjonar urġenti jew inkella jiġu sostitwiti b’oħrajn ġodda. Matul dan il-perjodu ntilfu 18 000 post tax-xogħol (is-settur tas-sajd fl-Italja għandu 25 000 ħaddiem). Data: Mipaaf, 2016.

(8)  EU Sectoral Social Dialogue Committee – Sea Fisheries (EUSSDC).

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar Pjan pluriennali għal sajd pelaġiku żgħir fil-Baħar Adrijatiku (ĠU C 288, 31.08.2017, p. 68).

(10)  https://www.theguardian.com/world/2018/may/18/we-thought-slavery-had-gone-away-african-men-exploited-on-irish-boats

(11)  L-FAO tistma ’l fuq minn 32 000 fatalità fis-settur tas-sajd kull sena f’livell globali (https://safety4sea.com/fishers-fatalities-give-impetus-to-fishing-vessel-safety-work/).

(12)  OECD, “The Ocean Economy in 2030” (L-Ekonomija tal-Oċeani fl-2030), 2016.

(13)  GFCM, The State of Mediterranean and Black Sea Fisheries, 2016, p. 26. Kif ġie enfasizzat mill-FAO tal-GFCM, fl-ibħra bi speċi waħda, huwa aktar faċli li jsir sajd immirat minħabba li ftit tipi ta’ ħut jikkoeżistu hemmhekk u, għalhekk, huwa faċli li jiġu stabbiliti limitazzjonijiet fuq il-qabdiet. B’kuntrast, fl-ibħra b’aktar minn speċi waħda, jistgħu jinstabu ħafna speċijiet ta’ ħut fl-istess żona.

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar Ir-riforma tal-PKS, il-punt 1.3 (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 183) u dwar Il-pjan pluriennali għas-sajd pelaġiku żgħir fil-Baħar Adrijatiku (ĠU C 288, 31.08.2017, p. 68).

(15)  Opinjoni tal-KESE dwar L-Obbligu ta’ Ħatt l-Art (ĠU C 311, 12.9.2014, p. 68). Punt 1.2 “… l-proposta tal-Kummissjoni hija kumplessa wisq u li ser tiġġenera wisq xogħol żejjed u sproporzjonat għas-sajjieda meta jiġu biex japplikaw l-obbligu tal-ħatt. Għaldaqstant jikkunsidra li għandha ssir leġislazzjoni aktar prattika, ċara, sempliċi u flessibbli, li ġenwinament tagħti ż-żmien lis-sajjieda biex jadattaw tul perjodu ta’ tranżizzjoni mingħajr ma jiġu penalizzati b’ mod iebes”

(16)  COM(2018) 368.

(17)  Ara n-nota 6 ta’ qiegħ il-paġna.

(18)  COM(2018) 340 final.

(19)  COM(2018) 33 final.

(20)  L-Opinjoni tal-KESE dwar Plastik li jintuża darba biss (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 207).

(21)  Rapport tal-UNEP, 2016. 80 % tal-iskart tal-baħar ġej mix-xmajjar.

(22)  Ara n-nota 20 ta’ qiegħ il-paġna.

(23)  MEDAC, mistoqsijiet dwar il-finanzjament tas-settur tas-sajd u dak marittimu għal wara l-2020, Frar 2018.


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/112


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd”

(COM(2018) 330 final)

(2019/C 110/21)

Relatur:

Octavian Cătălin ALBU

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Data tal-Assemblea Plenarja

19.6.2018

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

27.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni tal-plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

129/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fl-aħħar 30 snin, il-kwalità tal-arja fl-Unjoni Ewropea (UE) żdiedet bħala riżultat ta’ politiki rilevanti promulgati madwar l-Unjoni. Madankollu, għad hemm ħafna xi jsir, minħabba li l-valuri awtorizzati għall-kategoriji prinċipali tas-sustanzi niġġiesa fl-arja rreġistrati qegħdin jinqabżu f’bosta okkażjonijiet. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkooperaw mill-qrib, peress li din il-kwistjoni hija ta’ importanza kritika għas-saħħa tal-Ewropej. Il-KESE jħoss li huwa importanti li jkun hemm twissija dwar il-kwalità tal-arja u l-kundizzjonijiet ambjentali.

1.2.

Il-KESE jikkunsidra li huwa essenzjali li jitnaqqas it-tniġġis fis-setturi istituzzjonali, domestiku u tat-trasport. L-istituzzjonijiet u l-Istati Membri għandhom jagħtu eżempju tajjeb hawnhekk, u għandhom jinħolqu aktar programmi ta’ appoġġ biex jgħinu lill-individwi jaqilbu għal forom ta’ tisħin li huma nodfa, moderni u aktar effiċjenti fl-enerġija.

1.3.

Peress li t-trasport huwa wieħed mis-sorsi ewlenin tat-tniġġis tal-arja, il-KESE jilqa’ l-pakkett ta’ mobbiltà nadifa li jinkludi diversi inizjattivi li, barra li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, se jnaqqsu wkoll it-tniġġis lokali u reġjonali.

1.4.

Il-miżuri leġislattivi addizzjonali proposti mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġu rimedjati ċerti problemi, bħal Dieselgate, jew l-azzjoni li ttieħdet kontra l-Istati Membri li naqsu milli jikkonformaw mar-regoli attwali dwar it-tniġġis tal-arja huma pass fid-direzzjoni t-tajba u l-KESE jappoġġja dan l-approċċ.

1.5.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li r-regolamenti ambjentali u tat-trasport il-ġodda għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri ta’ appoġġ ekonomiku biex jiġu promossi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji nodfa ġodda, bħall-batteriji, il-karozzi elettriċi u sistemi alternattivi ta’ tisħin u ta’ ventilazzjoni.

1.6.

Il-KESE jinsab imħasseb li għalkemm sar progress fir-rigward tat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja fis-settur agrikolu, dan mhuwiex biżżejjed. Il-KESE jirrakkomanda li fil-futur, il-politika agrikola komuni, flimkien ma’ strumenti oħra finanzjarji u ta’ investiment, għandhom jiffokaw aktar fuq inizjattivi biex jitnaqqas l-impatt ambjentali u jkunu aktar konsistenti u koerenti fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lill-bdiewa bil-ħsieb li jiġu implimentati programmi li jkollhom l-għan li jilħqu dan l-għan. Idea tajba hawnhekk tkun il-kooperattivi, fejn il-bdiewa jistgħu jiġġeneraw l-elettriku mill-bijogass prodott minn skart tal-biedja.

1.7.

Il-kooperazzjoni internazzjonali hija kruċjali għall-ġlieda kontra t-tniġġis u t-tibdil fil-klima, u l-KESE jilqa’ l-kunsens wiesa’ fost l-Istati Membri biex jilħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-iskambju ta’ prattiki tajbin f’dan il-qasam u n-Netwerk Diplomatiku Ekoloġiku huma importanti ħafna. Barra minn hekk, huma meħtieġa miżuri speċifiċi biex jitnaqqsu s-sustanzi niġġiesa fl-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim.

1.8.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkooperaw mill-qrib, peress li din il-kwistjoni hija ta’ importanza kritika għas-saħħa tal-Ewropej. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jaħdmu kemm jista’ jkun mill-qrib mas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet ċiviċi lokali u reġjonali biex jiżviluppaw u jimplimentaw programmi ta’ protezzjoni ambjentali kif ukoll kampanji biex jedukaw, jinfurmaw u jrawwmu l-għarfien fost il-pubbliku ġenerali dwar il-kwalità tal-arja.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fl-aħħar għoxrin sa tletin sena, il-kwalità tal-arja fl-UE tjiebet b’mod sinifikanti permezz ta’ politiki speċifiċi implimentati mill-UE u l-Istati Membri f’dan il-qasam. Dawn il-politiki għandhom l-għan li jiksbu livell tal-kwalità tal-arja li ma jkunx ta’ ħsara jew jhedded b’mod sinifikanti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. B’riżultat ta’ dan, għalkemm il-PDG tal-UE żdied, il-kwantità tas-sustanzi niġġiesa fl-atmosfera naqas bi 8 % għall-ammonijaka u bi 72 % għall-ossidi tal-kubrit (1).

2.2.

Il-kwalità tal-arja hija fattur determinanti fis-saħħa pubblika. L-akbar sorsi tat-tniġġis tal-arja huma l-materja partikolata (PM10 u PM2,5) u l-ożonu troposferiku, li huma direttament affettwati mill-ossidi tan-nitroġenu (NOx) rrilaxxat fl-atmosfera. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, espożizzjoni għat-tniġġis tal-arja fil-forma ta’ partiċelli fini hija responsabbli għal 8 % tal-imwiet kollha kkawżati mill-kanċer tal-pulmun u 3 % tal-imwiet kollha minħabba mard kardjovaskulari (2). Dawn il-kawżi huma responsabbli għal aktar minn 400 000 mewta qabel il-waqt fl-UE kull sena (3).

2.3.

Fid-dawl ta’ dan, hemm tħassib dejjem jikber fost iċ-ċittadini tal-UE dwar il-livelli ta’ tniġġis tal-arja (4). B’riżultat ta’ dan, permezz ta’ leġislazzjoni, l-UE u l-Istati Membri stabbilixxew l-għan li jinkiseb livell tal-kwalità tal-arja li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa tan-nies jew lill-ambjent, u qegħdin gradwalment inaqqsu l-emissjonijiet ta’ ħsara permezz ta’ konformità sħiħa mal-leġislazzjoni attwali tal-UE dwar il-kwalità tal-arja.

2.4.

Il-politiki tal-UE f’dan il-qasam huma bbażat fuq tliet pilastri:

l-ewwel pilastru huwa magħmul mill-istandards tal-kwalità tal-arja fl-ambjent, li l-Istati Membri kollha għandhom jirrispettaw mill-2005 jew mill-2010, skont is-sustanza niġġiesa;

it-tieni pilastru huwa magħmul mill-miri nazzjonali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, li ġew riveduti reċentement u li jridu jiġu sodisfati sal-2020 u sal-2030 u jinkludi sustanza niġġiesa addizzjonali: materja partikolata fina (PM2,5);

it-tielet pilastru jinkludi standards ta’ emissjonijiet għas-sorsi ewlenin ta’ tniġġis: vetturi, vapuri u impjanti industrijali u tal-enerġija. Wara l-iskandlu Dieselgate tal-2015, ġie stabbilit il-pakkett tar-regoli dwar l-emissjonijiet f’sewqan reali, u l-Kummissjoni pproponiet standards ġodda aktar baxxi tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet ġodda u għal vetturi tqal.

2.5.

Skont ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-2017 dwar il-kwalità tal-arja fl-Ewropa, is-sorsi ewlenin tat-tniġġis tal-arja fl-Ewropa huma t-trasport (bit-triq u mod ieħor), il-kombustjoni għall-użu kummerċjali/istituzzjonali/domestiku, il-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-proċessi industrijali, is-settur agrikolu u l-iskart (5).

2.5.1.

Fir-rigward tal-kontribut tiegħu għall-emissjonijiet totali tas-sustanzi niġġiesa, it-trasport bit-triq huwa responsabbli għal 39 % tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx), 29 % tal-karbonju iswed, 20 % tal-monossidu tal-karbonju (CO) u 11 % tal-materja partikolata PM10 u PM2,5. Skont il-pakkett ta’ mobilità nadifa, il-Kummissjoni qiegħda għalhekk timmira li tistabbilixxi standards ġodda għall-emissjonijiet tas-CO2 għall-2025 u l-2030. Teknoloġiji ġodda – bħall-batteriji, karburanti alternattivi u l-infrastruttura għalihom – huma promossi billi jiġu riveduti r-regolamenti (6) u permezz ta’ pjani ta’ azzjoni (7). Il-qafas ġdid tal-pakkett ta’ proposti għal mobbiltà nadifa jirrakkomanda wkoll li jiġi inkluż l-użu ta’ ferroviji u trakkijiet sabiex tiżdied l-effiċjenza (8), inkluża l-effiċjenza fl-enerġija, u jiġi promoss l-iżvilupp ta’ rotot ta’ kowċis għal distanza twila sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-konġestjoni tat-traffiku (9).

2.5.2.

Il-kombustjoni għall-użu kummerċjali/istituzzjonali/domestiku kienet responsabbli għall-biċċa l-kbira tat-tniġġis (42 % u 57 %) mill-materja partikolata (PM2,5 u PM10), il-monossidu tal-karbonju (CO) u l-partiċelli tal-karbonju iswed, sustanza niġġiesa prinċipali li ġejja mill-kombustjoni mhix kompluta tal-karburanti fossili u l-bijomassa. Il-valuri tat-tniġġis għal dan is-settur kienu ftit jew wisq kostanti bejn l-2000 u l-2015.

2.5.3.

Saru sforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa (59 % għall-SO2 u 19 % għall-NOx tat-totali) mis-setturi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u tat-tisħin billi ġew żviluppati u estiżi sorsi alternattivi ta’ enerġija u sistemi tal-enerġija tal-koġenerazzjoni, ġew immodernizzati u żdiedu l-livelli ta’ prestazzjoni tal-impjanti ta’ ġenerazzjoni, ġiet ottimizzata l-prestazzjoni tal-enerġija tal-proċessi ta’ ġenerazzjoni, il-bini sar iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u gradwalment tneħħiet il-kombustjoni tal-karburanti fossili u nbidlu bil-gass tal-metan.

2.5.4.

Ittieħdu miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn impjanti industrijali (50 % għal komposti organiċi volatili minbarra l-metanu (NMVOC) u 17 % għall-partiċelli PM10), li huma konsistenti u jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ fil-livell Ewropew. Sabiex it-tniġġis jiġi pprevenut u mmonitorjat, kull installazzjoni industrijali jrid ikollha permess li jistabbilixxi l-valuri ta’ limitu għas-sustanzi niġġiesa u l-miżuri meħtieġa għall-ħarsien ambjentali.

2.5.5.

Peress li s-settur agrikolu jipproduċi 95 % tal-emissjonijiet tal-ammonijaka (NH3) u 52 % tal-emissjonijiet tal-metan (CH4), it-tnaqqis ta’ dawn hija ta’ importanza kbira. Miżuri biex jitnaqqsu emissjonijiet bħal dawn jinkludu miżuri agronomiċi (l-użu bbilanċjat ta’ nitroġenu fl-irziezet, il-promozzjoni ta’ għelejjel ta’ kopertura u ta’ ħxejjex fuq art li tinħarat bil-għan li l-ħamrija tkun iktar fertili), miżuri relatati mal-bhejjem (il-ħażna tad-demel fi spazji magħluqa u l-użu tiegħu fil-faċilitajiet tal-bijogass), miżuri relatati mal-enerġija (l-użu tal-bijomassa għat-tisħin, l-iżvilupp ta’ installazzjonijiet fotovoltajċi u t-tnaqqis tal-konsum tal-karburanti tradizzjonali u l-elettriku) u miżuri agroambjentali (it-tisħiħ tal-ħiliet professjonali tal-bdiewa u jitħeġġu jadottaw prattiki li jiġġeneraw livell aktar baxx ta’ emissjonijiet).

2.6.

Il-KESE jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar l-istat tal-ambjent. Il-KESE diġà wissa dwar dan (10) u enfasizza li “l-ewwel nett jeħtieġ li jsiru aktar sforzi sabiex tiġi evitata l-ħsara ambjentali u li strateġija ta’ prevenzjoni dejjem għandha tkun ippreferuta minn soluzzjoni” (11).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri meħuda mill-UE biex jintlaħaq l-objettiv ta’ livell ta’ kwalità tal-arja li ma jkunx ta’ ħsara għall-persuni jew għall-ambjent, iżda jqis li dawn l-isforzi jeħtieġ li jiżdiedu b’mod drammatiku kemm fil-livell tal-UE u kemm f’livelli nazzjonali peress li r-riżultati li nkisbu s’issa mhumiex sodisfaċenti għal kollox. Għalkemm sar progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa, il-kwalità tal-arja għadha taffettwa s-saħħa pubblika (12).

3.2.

Il-KESE huwa mħasseb li bħalissa, madwar partijiet kbar tal-UE, il-konċentrazzjoni fl-arja ta’ materja partikolata taqbeż il-valuri ta’ limitu. Il-valuri ta’ limitu ta’ kuljum inqabżu f’19 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ għall-PM10, u f’6 % ta’ dawn l-istazzjonijiet għall-partiċelli PM2,5. Sfortunatament fl-2015, 19 % tal-popolazzjoni urbana tal-UE kienet esposta għal livelli li jaqbżu l-valuri ta’ limitu għall-PM10 (żieda fuq is-sena preċedenti) u 7 % għall-PM2,5 (tnaqqis mis-sena preċedenti).

3.3.

Il-KESE jixtieq jindika li fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, miljuni ta’ residenzi privati jaħarqu l-injam u l-faħam għat-tisħin. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, din il-prattika tikkontribwixxi attwalment u ser tikkontribwixxi fil-futur għat-tniġġis bil-PM2,5, li għadu fil-livelli tal-2010-2015 (13). Hemm bżonn ta’ aktar miżuri ta’ appoġġ biex il-pubbliku inġenerali jitħeġġeġ jaqleb għal forom iktar nodfa ta’ tisħin.

3.4.

Il-KESE huwa mħasseb ukoll li l-valuri ta’ konċentrazzjoni annwali tad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) inqabżu b’mod sinifikanti fi 22 Stat Membru u f’10 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ, bil-livelli jkunu aktar mid-doppju tal-valuri awtorizzati reġistrati f’distretti ta’ għadd ta’ bliet.

3.5.

Il-KESE jixtieq jirrimarka li l-kwalità tal-arja hija kruċjali kemm għan-nies kif ukoll għan-negozji (14). Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell Ewropej u nazzjonali għalhekk jeħtieġ li jieħdu l-passi prattiċi sabiex jinħoloq u jiġi infurzat qafas leġislattiv f’dan il-qasam.

3.6.

Il-KESE jirrikonoxxi li sabiex jitnaqqas il-livell tas-sustanzi niġġiesa li ġej mis-setturi kummerċjali, istituzzjonali u dak domestiku, l-Istati Membri, appoġġjati mill-Kummissjoni, għandhom jappoġġjaw u jwettqu b’mod deċisiv titjib fir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, itejbu l-prestazzjoni tal-impjanti tal-elettriku u tat-tisħin, jestendu u jimmodernizzaw in-netwerks tat-tisħin ċentralizzat urban u jappoġġjaw sistemi alternattivi għall-arja kkundizzjonata. Eżempju wieħed hawnhekk huwa l-uffiċċju prinċipali tal-Bank Ċentrali Ewropew, li juża sistema innovattiva u li tirrispetta l-ambjent għat-tisħin u l-ventilazzjoni.

3.7.

Il-KESE jirrimarka li t-tniġġis tal-arja interna m’għandux jiġi injorat. Il-kwalità tal-arja interna li nieħdu n-nifs minnha hija kruċjali għal saħħitna, partikolarment għall-persuni vulnerabbli. It-tipjip, it-tisjir, l-umdità, is-sistemi ta’ ventilazzjoni, ix-xemgħat mixgħula, l-użu tad-deterġenti bħala prodotti għat-tindif, il-prodotti tat-tindif f’forma ta’ deterġenti, ix-xama’ jew il-verniċ, diversi materjali tal-bini kollha jistgħu jsiru sorsi importanti tat-tniġġis tal-arja interna. Għalhekk hemm bżonn ta’ politika konsistenti dwar bini tajjeb għas-saħħa.

3.8.

Il-KESE jikkunsidra li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jeħtieġu jfassal u jimplimenta kunċett ġdid ta’ żvilupp urban, b’enfasi parzjali fuq l-implimentazzjoni ta’ sistema tat-trasport favur l-ambjent, billi jintużaw inċentivi sabiex jitħeġġu forom elettriċi jew ibridi ta’ trasport, jintużaw applikazzjonijiet tal-IT biex ir-residenti jkunu avżati meta l-valuri awtorizzati għat-tniġġis tal-arja jinqabżu u tiġi appoġġjata l-estensjoni ta’ żoni ekoloġiċi fil-bliet sabiex il-kwalità tal-arja tittejjeb b’mod sinifikanti.

3.9.

Il-KESE jqis li l-aċċess taċ-ċittadini għall-informazzjoni u d-data dwar il-kwalità tal-arja huwa fattur importanti fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja (15). Kampanji ta’ informazzjoni u ta’ edukazzjoni jistgħu jissensibilizzaw lill-pubbliku dwar il-periklu tat-tniġġis tal-arja u l-impatt tal-azzjoni meħuda minn individwi. Huwa importanti li wieħed jirrikonoxxi u japprezza kwalunkwe azzjonijiet li jippromovu arja nadifa minn ommijiet ikkonċernati bl-impatt tat-tniġġis fuq is-saħħa tat-tfal tagħhom. Dawn in-nisa iqisu kwalunkwe restrizzjonijiet fuq l-użu tal-ambjent bħala limitazzjoni tad-drittijiet ċivili tagħhom.

3.10.

Il-KESE jilqa’ l-ħidma ta’ NGOs u individwi li ħadu azzjoni legali biex jappellaw lill-awtoritajiet nazzjonali biex jintroduċu miżuri addizzjonali biex jitnaqqas it-tniġġis. F’pajjiżi bħar-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit, il-qrati ddeċidew favur il-partijiet rikorrenti (16).

3.11.

Il-KESE jemmen li għandhom jitfasslu strateġiji tad-dekarbonizzazzjoni u miri tal-enerġija rinnovabbli sabiex ikun hemm impatt reali fuq l-ambjent, mingħajr ma jitwaqqaf l-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lir-rispett tal-istandards tas-sustanzi niġġiesa mill-vetturi bil-mutur, b’mod partikulari wara l-iskandlu Dieselgate, u tiċċekkja li jiġu sodisfatti l-obbligi rilevanti imposti mil-leġislazzjoni tal-UE.

4.2.

Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni, li talbet lill-Istati Membri biex janalizzaw il-modifiki u t-titjib kollha possibbli bil-għan li l-emissjonijiet iġġenerati minn dawn il-vetturi jinżlu taħt il-limiti regolatorji attwali u, jekk ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet, sabiex tipproponi li l-vetturi affettwati minn dan l-iskandlu jitneħħew fuq bażi mandatorja u/jew volontarja.

4.3.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi proċeduri ta’ nuqqas ta’ konformità kontra 16-il Stat Membru fir-rigward tat-tniġġis minn partikolati PM10, u kontra 13-il Stat Membru għat-tniġġis mid-diossidu tan-nitroġenu (NO2), u jirrakkomanda li dawn l-Istati Membri jadottaw kemm jista’ jkun malajr miżuri biex jitnaqqsu jew jeliminaw il-perjodi fejn jinqabżu l-valuri ta’ limitu tat-tniġġis.

4.4.

Barra minn hekk, il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tressaq tliet Stati Membri (l-Ungerija, l-Italja u r-Rumanija) quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja minħabba n-nuqqas ta’ konformità mal-valuri ta’ limitu għat-tniġġis mill-materja partikolata PM10, u tliet Stati Membri oħra (Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit) minħabba nuqqas ta’ konformità mal-valuri ta’ limitu għat-tniġġis mill-NO2. Dawn is-sitt Stati Membri naqsu milli fi żmien xieraq jipproponu miżuri speċifiċi u effettivi biex iniżżlu t-tniġġis għal-livelli awtorizzati.

4.5.

Minħabba l-livelli għoljin ta’ tniġġis ikkawżati minn vetturi bil-mutur, il-KESE jilqa’ l-miżuri proposti mill-Kummissjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, stabbiliti fil-pakkett tal-mobilità, bħalma huma d-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa, standards tas-CO2 ġodda kemm għall-karozzi kif ukoll għall-vetturi tqal, pjan ta’ azzjoni għal infrastruttura għall-fjuwils alternattivi u l-inizjattiva dwar il-batteriji. Dawn il-miżuri żgur se jkollhom l-effett ukoll li jnaqqsu l-emissjonijiet diskussi f’din l-opinjoni.

4.6.

Il-KESE jilqa’ r-regoli ġodda proposti mill-Kummissjoni fir-rigward taż-żieda sinifikanti tal-kwalità u l-indipendenza tal-proċeduri involuti fl-approvazzjoni tat-tip u l-ittestjar tal-vetturi qabel ma jitpoġġew fis-suq, u tal-kontrolli aktar effettivi fuq il-vetturi li diġà jinsabu fis-suq. Ir-Regolament li jistabbilixxi dawn ir-regoli, li għandhom jidħlu fis-seħħ f’Settembru 2020, jiddefendi l-projbizzjoni fuq l-apparati ta’ manipulazzjoni, jipprova jnaqqas il-valuri tas-sustanzi niġġiesa tal-vetturi u jistabbilixxi l-qafas għall-bidla lejn vetturi b’emissjonijiet baxxi u bl-ebda emissjonijiet.

4.7.

Minħabba l-livelli għoljin tat-tniġġis mill-ammonijaka (NH3) u mill-metan (CH4) fis-settur agrikolu (17), għandhom jittieħdu miżuri attivi biex dawn jitnaqqsu. Il-KESE jqis li fil-ġejjieni, il-politika agrikola komuni għandha tiffoka aktar fuq li tgħin lill-bdiewa individwali u lill-kooperattivi tal-biedja biex inaqqsu l-emissjonijiet, billi jiġi żgurat aċċess eħfef għall-finanzjament minn istituzzjoni bankarja Ewropea sabiex jiġu implimentati programmi li jistgħu jwasslu għal inqas emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-programmi futuri tal-iżvilupp rurali fil-qafas tal-PAK jinkludu miżuri agro-ambjentali li jfittxu li jnaqqsu dawn l-emissjonijiet.

4.8.

Il-KESE huwa mħasseb li minkejja l-miżuri implimentati fis-settur agrikolu, bejn l-2000 u l-2015 l-emissjonijiet tal-ammonijaka (NH3) u tal-metan (CH4) naqsu biss b’7 %, minkejja l-isforzi tal-bdiewa. Iż-żieda fin-numru ta’ annimali tar-razzett wasslet għal żieda ta’ 6 % fl-UE kollha fil-komposti organiċi volatili mhux metaniċi (NMVOC), iġġenerati b’mod partikolari mid-demel, għalkemm l-emissjonijiet għal kull kilogramma ta’ laħam naqas.

4.9.

It-tniġġis tal-arja huwa kwistjoni transkonfinali u għalhekk il-KESE jqis li huwa imperattiv li l-Istati Membri jaġixxu b’mod koordinat fuq il-bażi ta’ miri u prinċipji maqbula fl-UE, filwaqt li jikkonformaw mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Hemm preċedent f’dan is-sens, u għandna nappoġġjaw kemm jista’ jkun inizjattivi bħal dawn.

4.10.

Il-Kumitat jemmen li sabiex ikun hemm armonizzazzjoni mtejba tal-politiki Ewropej u nazzjonali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġ li jaħdmu mill-qrib mas-soċjetà ċivili sabiex jinfurmaw lill-pubbliku u jiżviluppaw programmi lokali u reġjonali.

4.11.

Il-KESE jfaħħar il-kunsens wiesa’ espress mill-UE rigward il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, u jqis li l-isforzi tal-UE jridu jirrispettaw l-ispirtu ta’ dan il-kunsens u li l-UE trid taġixxi biex tilħaq il-miri stabbiliti, li ser itejbu wkoll il-kwalità tal-arja.

4.12.

Il-KESE jħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jiżviluppaw strateġiji biex jiġi eliminat il-faħam bħala sors ta’ enerġija. Seba’ Stati Membri diġà neħħew il-faħam mit-taħlita enerġetika tagħhom u disgħa oħra għandhom il-pjan li jagħmlu dan (18).

4.13.

Il-KESE jemmen li l-UE għandha wkoll tikkondividi prattiki tajbin mal-imsieħba internazzjonali tagħha. Ma nistgħux ninjoraw l-effetti tat-tniġġis tal-arja minn partijiet oħra tad-dinja, li jolqotna kemm direttament kif ukoll indirettament. In-Network Diplomatiku Ekoloġiku u l-koerenza fil-politika għall-iżvilupp huma aktar importanti minn qatt qabel.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Air quality in Europe – 2017 report (Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa – rapport tal-2017 (mhux disponibbli bil-Malti)

(2)  9 minn kull 10 persuni madwar id-dinja jieħdu n-nifs mill-arja mniġġsa, iżda aktar pajjiżi qed jieħdu azzjoni.

(3)  Air quality in Europe – 2017 report (Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa – rapport tal-2017 (mhux disponibbli bil-Malti)

(4)  L-istħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru Nru 468 “L-attitudnijiet taċ-ċittadini tal-Ewropa lejn l-ambjent”

(5)  Air quality in Europe — 2017 report (Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa – rapport tal-2017 (mhux disponibbli bil-Malti)

(6)  COM/2017/0653 final — 2017/0291 (COD)

(7)  COM/2017/0652 final.

(8)  COM/2017/0648 final — 2017/0290 (COD)

(9)  COM/2017/0647 final — 2017/0288 (COD)

(10)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 134.

(11)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 83.

(12)  Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali Nru 23/2018.

(13)  L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa: It-tisħin residenzjali bl-injam u l-faħam: l-impatti u l-aternattivi ta’ politika tas-saħħa fl-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq.

(14)  L-istħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru Nru 468 “L-attitudnijiet taċ-ċittadini tal-Ewropa lejn l-ambjent”

(15)  Air quality in Europe – 2017 report (Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa – rapport tal-2017 (mhux disponibbli bil-Malti)

(16)  Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali Nru 23/2018.

(17)  Markus Amann, Measures to address air pollution from agricultural sources (Miżuri biex tiġi indirizzata t-tniġġis tal-arja mis-sorsi agrikoli, mhux disponibbli bil-Malti)

(18)  Overview: National coal phase-out announcements in Europe. Europe Beyond Coal.


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/118


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1005/2008, u r-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd”

(COM(2018) 368 final — 2018/0193 (COD))

(2019/C 110/22)

Relatur:

Emilio FATOVIC

Konsultazzjoni

Parlament, 10.9.2018

Kunsill, 5.7.2018

Bażi legali

Artikolu 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

19.6.2018 u 18.9.2018

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

27.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

219/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel, b’mod ġenerali, mal-proposta leġislattiva tal-Kummissjoni dwar il-kontrolli tas-sajd. Madankollu, xi problemi li kienu diġà rrappurtati mill-partijiet interessati tas-settur ma ġewx indirizzati b’mod adegwat jew ingħataw soluzzjonijiet ċari.

1.2.

Il-KESE jġedded il-prinċipju li skontu l-kunċett tas-sostenibbiltà għandu jiġi ddikjarat mill-perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni mhijiex ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt ċara tal-effetti ekonomiċi u soċjali li, għall-kuntrarju, tkun xierqa fid-dawl tal-kriżi serja tas-settur f’diversi pajjiżi Ewropej, li għandha impatt qawwi fuq l-impjiegi u l-ekonomija tal-komunitajiet kostali.

1.3.

Il-proposta tal-Kummissjoni ma tqisx żewġ fenomeni serji u rilevanti bħall-Brexit u t-tibdil fil-klima. It-tnejn li huma mistennija jbiddlu, b’modi differenti, il-modalitajiet u l-postijiet tas-sajd u għalhekk jeħtieġu analiżi u interventi adegwati sabiex ma joħolqux żbilanċi fis-settur tas-sajd.

1.4.

Is-sistema tal-kontrolli u tal-penali, li hija bbażata fuq l-hekk imsejħa “sistema ta’ liċenzja bil-punti”, għandha tiġi implimentata b’mod uniformi u omoġenju fl-UE kollha, sabiex ikunu ggarantiti kemm il-kompetittività ġusta bejn l-atturi, kif ukoll il-kwalità u t-traċċabbiltà tal-prodotti tas-sajd fl-interess, u għas-saħħa, taċ-ċittadini Ewropej kollha. Fl-istess waqt, il-penali għandhom ikunu bbażati fuq kriterji ta’ ġestjoni tar-riskju u għandhom ikunu proporzjonati u dissważivi b’mod effettiv.

1.5.

Il-KESE jqis li d-diġitalizzazzjoni żgur li hija strument importanti biex jiġu żgurati kontrolli effikaċi u effiċjenti. Madankollu, il-Kumitat jinnota li, meta mqabbel mal-leġislazzjoni preċedenti, l-obbligi għas-sajjieda ma tnaqqsux f’miżura sinifikattiva (b’mod partikolari għas-sajd fuq skala żgħira), u lanqas ma ġew semplifikati biżżejjed kif ħabbret il-Kummissjoni. Huwa rrakkomandat li jitwettqu investigazzjonijiet ulterjuri dwar l-appilikabilità reali ta’ ċerti standards, b’attenzjoni partikolari għal bastimenti < 10 metri.

1.6.

Il-KESE huwa kontra l-obbligu orizzontali li jkunu installati kameras b’ċirkwit magħluq (CCTV) fuq il-bastimenti, peress li dan imur kontra l-istandards fundamentali tal-liġi tax-xogħol, id-dritt għall-privatezza u s-sigriet kummerċjali. Għalhekk, il-KESE jipproponi li l-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju dwar ċerti segmenti tal-flotta kkaratterizzati minn livell għoli ta’ ksur serju u abbażi tal-istorja ta’ nuqqas ta’ konformità preċedenti tagħhom l-awtoritajiet ta’ monitoraġġ jitolbu li dawn il-bastimenti jinstallaw CCTVs. Sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-obbligu ta’ ħatt l-art, il-KESE jipproponi li jissaħħaħ l-użu tal-osservaturi abbord u jirrakkomanda l-ħolqien ta’ mekkaniżmu volontarju ta’ introduzzjoni tas-CCTV, filwaqt li jipprevedi inċentivi għal dawk is-sidien ta’ dgħajjes li jiddeċiedu li jissieħbu f’dan. F’dan il-kuntest, huwa jirrakkomanda li jkun impost l-obbligu temporanju tas-CCTV fil-każijiet ta’ bastimenti li jkunu wettqu diversi reati gravi.

1.7.

Il-FEMS 2021-2027 il-ġdid se jkollu rwol ċentrali biex jippermetti l-adattament tal-bastimenti Ewropej mad-dispożizzjonijiet regolatorji l-ġodda. Huwa fundamentali li l-fondi jkunu faċilment aċċessibbli fil-livell nazzjonali għal dawk kollha li jitolbuhom. B’mod partikolari, il-Kumitat huwa kontra l-introduzzjoni ta’ regoli retroattivi li, fil-każ ta’ ksur uniku serju, jobbligaw lil sid il-bastiment iħallas lura finanzjamenti preċedenti li jkun irċieva u rrapporta b’mod korrett.

1.8.

Il-KESE jfakkar li fl-Istati terzi jseħħu l-parti l-kbira tal-każijiet ta’ frodi u ta’ nuqqas ta’ rispett tar-regoli fundamentali tax-xogħol u tal-ambjent. Madankollu, il-ħut li jirriżulta minn dawn il-prattiki illegali għadu jasal fuq il-mejda taċ-ċittadini Ewropej b’mod relattivament faċli. Huwa importanti li sistemi l-ġodda ta’ traċċabilità jindirizzaw ukoll dawn il-problemi billi jimmonitorjaw il-katina kollha tal-provvista. Barra minn hekk, ta’ min jinnota li l-każijiet ta’ sfruttament ta’ ħaddiema għadhom jiġu rrappurtati fuq xi wħud mill-bastimenti Ewropej. Huwa jirrakkomanda, għalhekk, li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza jiddedikaw attenzjoni speċifika għal dan il-fenomenu u li jkunu stabbiliti penali ħorox ħalli jingħeleb b’mod definittiv.

1.9.

Il-KESE jinnota li l-mudelli ta’ suċċess offruti mill-pjani pluriennali tas-sajd għal speċi waħda ftit li xejn huma adattabbli għal sajd imħallat, b’impatt serju għall-ambjent u għall-ekonomija. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jirrakkomanda sistema tal-ġbir tad-data dwar l-istokkijiet aktar dettaljata bil-għan li jitfasslu strateġiji ad hoc, li jkunu jistgħu jipproteġu aħjar il-bijodiversità mingħajr ma jagħmlu ħsara eċċessiva lis-settur tas-sajd.

1.10.

Il-KESE jqis li s-sistema ta’ inċentivi għas-sajjieda previsti għat-trasferiment fuq l-art tax-xbieki għandha tiġi estiża għar-residwi kollha li jinġabru fil-baħar matul l-attività tas-sajd. Din l-inizjattiva tkun fundamentali għat-tindif tal-ibħra peress li sa issa huma tabilħaqq is-sajjieda li jridu jħallsu għat-tindif tal-baħar minn tniġġis li ma kkawżawhx huma. Il-KESE jemmen li s-sajjieda jistgħu jipprovdu valur miżjud importanti permezz ta’ taħriġ adegwat, fejn minn naħa jikkontribwixxu biex jitnaddaf il-baħar u min-naħa l-oħra joħolqu mekkaniżmu virtuż ta’ integrazzjoni ekonomika għall-attività mwettqa.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Is-suċċess tal-politika komuni tas-sajd (PKS) jiddependi primarjament fuq l-implimentazzjoni ta’ sistema effettiva ta’ kontroll u ta’ infurzar. Dawn il-miżuri huma koperti minn erba’ atti legali differenti: 1) ir-Regolament dwar il-kontroll tas-sajd, 2) ir-Regolament li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), 3) ir-Regolament li jistabbilixxi sistema li tiġġieled kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ir-Regolament IUU), 4) ir-Regolament dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-flotot esterni tas-sajd (SMEF).

2.2.

Minbarra r-Regolament SMEF, li ġie rivedut reċentement, is-sistema attwali għall-kontroll tas-sajd tfasslet qabel ir-riforma tal-PKS u, għal din ir-raġuni, mhijiex għalkollox koerenti magħha. Barra minn hekk, dawn il-miżuri jmorru lura għal aktar minn 10 snin u ma jqisux il-ħtiġijiet attwali u futuri relatati mad-data dwar is-sajd u l-kontroll tal-flotot, u lanqas mhuma xierqa għall-prattiki u għat-tekniki l-ġodda tas-sajd, kif ukoll għat-teknoloġiji l-ġodda tal-kontroll u s-sistemi ta’ skambju tad-data. Fl-aħħar nett, dawn ma jqisux xi inizjattivi importanti li ġew adottati mill-UE, bħall-istrateġiji dwar il-plastik, dwar is-suq uniku diġitali u dwar il-governanza tal-oċeani.

2.3.

Għalhekk, għalkemm ir-reġim tal-kontroll tas-sajd attwali tejjeb is-sitwazzjoni preċedenti, ċerti nuqqasijiet ġew ikkonfermati mill-valutazzjoni REFIT tal-Kummissjoni, minn rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u minn riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-partijiet ikkonċernati kkonfermaw il-limitazzjonijiet tas-sistema fis-seħħ. Minn din il-kunsiderazzjoni ġiet stabbilita l-ħtieġa li l-qafas leġislattiv eżistenti jiġi rieżaminat fl-intier tiegħu.

3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni tikkonsisti fl-emendar ta’ ħames Regolamenti u għandha l-għan li: 1) tindirizza n-nuqqasijiet li nstabu fir-rigward tal-PKS u politiki oħrajn tal-UE, 2) tissemplifika l-qafas regolatorju u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi li ma jkunux meħtieġa, 3) ittejjeb id-disponibbiltà, ir-responsabbiltà u l-kompletezza tad-data u tal-informazzjoni dwar is-sajd, b’mod partikolari tad-data relatata mal-qbid, u tippermetti l-iskambju u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u 4) telimina l-ostakli li jipprevjenu l-iżvilupp ta’ kultura ta’ konformità mar-regoli u t-trattament ġust tal-operaturi bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom.

3.2.   Emendi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (1) li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd

3.2.1.

Spezzjoni u sorveljanza. Għandhom isiru kjarifiki fir-rigward tal-proċedura ta’ spezzjoni, l-obbligi tal-ispetturi, tal-kaptani u tal-operaturi. Ir-rapporti ta’ spezzjoni għandhom jiġu diġitalizzati, biex b’hekk jiġi ffaċilitat l-użu u l-iskambju tad-data bejn l-awtoritajiet rilevanti u l-Istati Membri.

3.2.2.

Sanzjonijiet. Għandha tiġi introdotta lista ta’ kriterji komuni maħsubin biex jistabbilixxu t-tipi ta’ reat serju. Għandhom jiġu stabbiliti sanzjonijiet amministrattivi obbligatorji u livelli minimi ta’ sanzjonijiet finanzjarji għal ksur serju, bil-għan li s-sistema ta’ sanzjonijiet issir aktar dissważiva u effiċjenti fl-Istati Membri kollha u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, għandha tissaħħaħ u tiġi ċċarata s-“sistema tal-punti” għall-bastimenti li jkollhom liċenzja.

3.2.3.

Data. Għandhom jiġu introdotti sistemi diġitalizzati obbligatorji ta’ lokalizzazzjoni u ta’ dikjarazzjoni tal-qbid li japplikaw għall-bastimenti tas-sajd kollha tal-UE, inklużi dawk b’tul totali (LOA) < 12-il metru. Fil-każ tas-sajd fuq skala żgħira, għandha tiġi prevista sistema semplifikata permezz tat-telefon ċellulari. Anki s-sajd rikreattiv se jkun soġġett għal kontroll aktar strett. Permezz tal-użu tal-istrumenti diġitali, għandha tiġi żgurata t-traċċabbiltà sħiħa tal-katina tal-provvista (inklużi l-prodotti li jiġu importati minn pajjiżi terzi) u għandhom jiġu mmonitorjati b’mod sistematiku l-attivitajiet li jsiru fuq il-bastimenti, anki permezz ta’ kameras b’ċirkwit magħluq (CCTV), bil-għan li jiġi kkontrollat l-obbligu ta’ ħatt l-art.

3.2.4.

Allinjament ma’ politiki oħrajn tal-UE. Ir-rapportar tal-irkaptu tas-sajd mitluf għandu jiġi ssemplifikat permezz ta’ tfassil aktar preċiż tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd (elettroniku). L-obbligu li jinżamm abbord it-tagħmir meħtieġ biex jiġi rkuprat l-irkaptu għandu jiġi estiż anki għall-bastimenti tas-sajd < 12 m. Għandhom jiġu introdotti dispożizzjonijiet għall-immarkar u għall-kontroll tal-irkaptu tas-sajd għall-attivitajiet tas-sajd rikreattiv.

3.3.   Emendi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (2) li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd

3.3.1.

Il-proposta għandha testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tas-setgħat ta’ spezzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, li m’għandux jibqa’ limitat għall-ibħra internazzjonali. Għandhom jiġu introdotti emendi li jissemplifikaw il-ġestjoni u l-iskambju tad-data, kif ukoll regoli li jissemplifikaw il-proċessi ta’ finanzjament tal-Aġenzija.

3.3.2.

F’Lulju 2018, il-Kummissjoni Ewropea integrat dawn il-miżuri mal-proposta COM(2018) 499 li kellha l-għan li tikkodifika r-Regolament (KE) Nru 768/2005 dwar l-EFCA, billi tissostitwixxi u tintegra d-diversi regolamenti li dan jinkorpora. Din il-proposta diġà ntlaqgħet mill-KESE b’Opinjoni speċifika (3).

3.4.   Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (4) li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

3.4.1.

L-emendi tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-qbid tal-UE għandhom jipprevedu l-ħolqien ta’ bażi tad-data għall-ġestjoni taċ-ċertifikati tal-qbid (CATCH), li se tippermetti t-twettiq ta’ kontrolli b’rabta mar-riskju, tnaqqas ir-riskju ta’ importazzjonijiet frawdolenti u tnaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri. Il-funzjonijiet operattivi tal-bażi tad-data CATCH għandhom jiġu żviluppati fi stadji differenti. Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat delegati u setgħat ta’ implimentazzjoni relatati mal-funzjonament u mal-iżvilupp ulterjuri tal-bażi tad-data CATCH. L-ispezzjonijiet u s-sanzjonijiet għandhom ikunu allinjati mal-ambjent regolatorju l-ġdid.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

L-inizjattiva leġislattiva tal-Kummissjoni, f’konformità mal-pożizzjonijiet imressqa mill-Istati Membri, mill-awtoritajiet reġjonali u lokali u mill-partijiet ikkonċernati, hija kondiviża b’mod ġenerali. Fil-fatt, din se jkollha l-kompitu li tiċċara l-qafas regolatorju dwar il-kontrolli, tissemplifikah, timmodernizzah u tallinjah mal-iżviluppi politiċi u leġislattivi, filwaqt li tiggarantixxi ċ-ċertezza tad-dritt u tippermetti li dan ikun jista’ jiġi implimentat b’mod effettiv u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha.

4.2.

Minn analiżi bir-reqqa tal-proposta jirriżulta li, minkejja l-proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ ddikjarat mill-Kummissjoni, fil-proposta leġislattiva l-ġdida ma ngħatawx segwitu xieraq u/jew soluzzjonijiet ċari għal xi problemi li tqajmu mill-partijiet interessati tas-settur tas-sajd (eż. l-obbligu ta’ ħatt l-art, il-burokrazija żejda, il-proporzjonalità tas-sistema ta’ sanzjonijiet) (5).

4.3.

Il-KESE jġedded il-prinċipju li skontu l-kunċett tas-sostenibbiltà għandu jiġi ddikjarat mill-perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali. F’din il-perspettiva, is-sajd sostenibbli jibqa’ l-għan prinċipali, iżda s-settur tas-sajd għandu jitqiegħed fil-pożizzjoni sabiex ikun jista’ jilħaq dan il-għan. Għal din ir-raġuni, il-miżuri ambjentali ma jistgħux jiġu mifruda mill-ħtieġa li jittejbu aspetti ewlenin oħrajn bħall-kundizzjonijiet u s-sikurezza okkupazzjonali, ir-rata ta’ tibdil tal-ġenerazzjonijiet, ir-redditu tal-impriżi, it-taħriġ ta’ persunal professjonali, il-vijabbiltà tal-komunitajiet kostali.

4.4.

Jinnota li l-proposti għal Regolament propost ma jqisux żewġ fenomeni sinifikanti u serji bħall-Brexit u t-tibdil fil-klima. L-ewwel wieħed, fil-fatt, għandu jwassal għal reviżjoni komprensiva tal-mekkaniżmu ta’ stabbiltà relattiva u għal tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet attwalment Ewropej. Min-naħa l-oħra, it-tibdil fil-klima qed jikkawża bidliet sostanzjali fl-imġiba u l-ħabitats tal-ħut, li migrazzjonijiet importanti tagħhom qed isiru dejjem aktar frekwenti.

4.5.

Il-KESE jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni mhijiex ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt ċara tal-effetti ekonomiċi u soċjali. Din il-kunsiderazzjoni hija aggravata mill-fatt li s-settur tas-sajd ilu aktar minn 20 sena fi kriżi f’xi reġjuni tal-UE u l-miżuri li ġew stabbiliti s’issa mill-Kummissjoni għas-sostenibbiltà u għall-akkwakultura ma ppermettewx li tinqaleb it-tendenza (6). Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jitlob l-intervent malajr tad-DĠ Impjiegi biex, fil-qafas tad-Djalogu Soċjali Settorjali (7), iniedi analiżi wiesgħa bil-għan li jidentifika l-aktar miżuri xierqa sabiex jiġi vvalutat u eventwalment jiġi kkumpensat l-impatt ekonomiku u soċjali tal-proposti (8).

4.6.

Id-denunzja riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri timponi l-ħtieġa prijoritarja li s-sistema tal-kontrolli u tal-penali, li hija bbażata fuq l-hekk imsejħa “sistema ta’ liċenzja bil-punti”, tiġi implimentata b’mod uniformi u omoġenju fl-UE kollha, sabiex tiġi żgurata kemm il-kompetittività ġusta bejn l-atturi, kif ukoll il-kwalità u t-traċċabbiltà tal-prodotti tas-sajd fl-interess u għas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej kollha.

4.7.

Il-KESE jqis li d-diġitalizzazzjoni żgur li hija strument importanti biex jiġu żgurati kontrolli effikaċi u effiċjenti. Huwa xieraq ukoll li jiġu previsti mezzi ta’ kontroll diġitali semplifikati għall-bastimenti b’tul totali ta’ < 12 metru (LOA; eż. applikazzjoni fuq telefon ċellulari għall-ġeolokalizzazzjoni, anke jekk fl-ibħra miftuħa jeżistu żoni kbar mingħajr kopertura li jrendu l-monitoraġġ tal-bastiment impossibbli). Madankollu, il-Kumitat jinnota li, meta mqabbel mal-leġislazzjoni preċedenti, l-obbligi għas-sajjieda ma tnaqqsux f’miżura sinifikattiva (b’mod partikolari għas-sajd fuq skala żgħira), u lanqas ma ġew semplifikati biżżejjed kif ħabbret il-Kummissjoni.

4.8.

Il-mezzi ta’ kontroll diġitali għandhom jippermettu ffrankar effettiv kemm ekonomiku kif ukoll tal-ħin. L-estensjoni tas-sett ta’ obbligi għas-sajd fuq skala żgħira tkun possibbli peress li l-Istati Membri jkollhom perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn li għandu jippermetti li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet lokali, għalkemm jista’ jkun ta’ piż jekk ikunu bastimenti ta’ < 10 m LOA, ħafna drabi mingħajr kabina ta’ kontroll u b’ekwipaġġ ta’ persuna waħda. Għal din is-sitwazzjoni, huwa rakkomandat stħarriġ addizzjonali bil-għan li tiġi vvalutata l-fattibbiltà reali tagħha, sabiex jinstab bilanċ bejn il-ħtieġa ta’ kontroll u l-kapaċità effettiva tas-sajjieda li jwettqu dawn il-prattiki kollha.

4.9.

F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota li l-miżuri introdotti bil-għan li jiċċaraw is-sistema tal-penali jistgħu tabilħaqq ikunu ta’ benefiċċju għas-settur. Madankollu, huwa fundamentali li dawn jiġu applikati b’mod uniformi fl-Istati Membri differenti u li jkunu bbażati b’mod effettiv fuq kriterji ta’ ġestjoni tar-riskju, proporzjonati u dissważivi. B’mod partikolari, mill-analiżi tal-proposta jirriżultaw xi aspetti kontradittorji, bħar-rabta tal-ammont finanzjarju tas-sanzjonijiet mal-valur tas-suq tal-ħut mistad (minn darbtejn sa ħames darbiet tal-valur tal-prodott), li, skont iż-żona ġeografika, il-perjodu tas-sena u l-abbundanza jew in-nuqqas tat-tali speċi, jista’ jkun differenti ħafna u anki joħloq effett ta’ inċentiv biex tinkiser il-liġi.

4.10.

Il-FEMS huwa strument deċiżiv u indispensabbli għat-twettiq tat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida ta’ kontrolli prevista mill-Kummissjoni. Il-Kumitat jopponi l-prinċipju, li diġà jinsab fis-sistema attwali ta’ kontrolli u fil-FEMS attwali, li skontu reat gravi jimplika r-ritorn immedjat tal-fondi Ewropej eventwali li jkunu ġew irċevuti fil-ħames snin ta’ qabel. Din il-miżura stretta retroattiva hija waħda mill-kawżi prinċipali tad-dewmien tal-FEMS biex jilħaq l-għanijiet tiegħu, peress li wasslet lil ħafna sajjieda biex ma jitolbux mill-ġdid il-fondi Ewropej, bil-biża’ li jkollhom jirritornawhom għal ksur ikkunsidrat bħala serju li xi drabi jkollu sanzjoni pekunjarja mnaqqsa ħafna. Għalhekk, jeħtieġ li tiġi żgurata proporzjonalità akbar għas-sanzjonijiet, b’tali mod li minn sanzjonijiet disważivi ma jinbidlux f’sanzjonijiet ta’ diżinċentiv.

4.11.

Il-KESE jesprimi l-opinjoni tiegħu li jopponi għalkollox l-obbligu li jiġu installati kameras b’ċirkwit magħluq (CCTV) fuq il-bastimenti tas-sajd sabiex jiġi vverifikat ir-rispett tal-obbligu ta’ ħatt l-art. Il-KESE jqis li dawn it-tip ta’ miżuri jmorru kontra l-istandards fundamentali tal-liġi tax-xogħol, id-dritt għall-privatezza u s-sigriet kummerċjali, speċjalment għaliex dawn huma stabbiliti b’mod orizzontali u mhumiex iġġustifikati b’raġunijiet possibbli ta’ riskju minħabba trasgressjonijiet ripetuti preċedenti tal-leġislazzjoni. Għalhekk, il-KESE jipproponi li l-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju dwar ċerti segmenti tal-flotta kkaratterizzati minn livell għoli ta’ ksur serju u, abbażi tal-istorja ta’ nuqqas ta’ konformità preċedenti tagħhom, li l-awtoritajiet ta’ monitoraġġ jeħtieġu li bastimenti bħal dawn jinstallaw CCTVs. Il-Kumitat jinsab konvint li l-għanijiet ta’ sostenibbiltà ambjentali u l-irkupru tas-settur mhux se jintlaħqu permezz ta’ monitoraġġ u kontroll tal-attivitajiet tas-sajd fl-istil ta’ “Grande Fratello”, iżda permezz ta’ regoli u sanzjonijiet ċari, ċerti u trasparenti li jiġu applikati b’mod effettiv u uniformi fl-UE kollha.

4.12.

B’mod partikolari, il-KESE jipproponi li jittejjeb u jissaħħaħ l-użu tal-osservaturi abbord. Barra minn hekk, jirrakkomanda li jinħoloq mekkaniżmu volontarju ta’ introduzzjoni tas-CCTV li jiġi inċentivat, pereżempju, bil-possibbiltà li tiżdied il-kwota tal-qbid għal kull speċi għal-livell tal-RMS (rendiment massimu sostenibbli) billi tintuża r-riserva tal-kwoti tal-Istat Membru jekk disponibbli u b’mekkaniżmi prijoritarji u ffaċilitati ta’ kontroll u ħatt l-art. F’dan il-kuntest, huwa jirrakkomanda l-obbligu temporanju tas-CCTV fil-każijiet ta’ bastimenti li jkunu wettqu diversi reati gravi.

4.13.

Il-KESE jqis li l-FEMS 2021-2027 il-ġdid se jkollu rwol ċentrali biex jippermetti l-adattament tal-bastimenti Ewropej mad-dispożizzjonijiet regolatorji l-ġodda. B’mod partikolari, huwa fundamentali li l-fondi jkunu faċilment aċċessibbli fil-livell nazzjonali għal dawk kollha li jitolbuhom.

4.14.

Il-KESE, kif diġà wera f’opinjonijiet (9) oħrajn, iqis li huwa importanti li tiġi stabbilita l-kapaċità ta’ sajd permezz ta’ parametri li huma aktar adegwati mit-tunnellaġġ u l-qawwa tal-magna, peress li dawn il-fatturi huma fundamentali biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ekwipaġġ abbord u biex jintlaħqu livelli ta’ emissjonijiet CO2 aktar sostenibbli.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Is-sajd eċċessiv huwa ċertament waħda mill-kawżi fundamentali tat-tnaqqis ta’ ħut fil-baħar. Madankollu, il-Kumitat jemmen li dan il-fenomenu għandu jitqies flimkien ma’ oħrajn li huma ugwalment dannużi għall-ispeċijiet tal-baħar, bħat-tniġġis, it-tibdil fil-klima, it-trasport marittimu, it-tħaffir taħt l-ilma (tniġġis akustiku). Approċċ aktar miftuħ huwa kruċjali sabiex jitfasslu strateġiji effettivi għall-protezzjoni ta’ ħabitats tal-baħar.

5.2.

Reġim tas-sanzjonijiet effettiv għandu japplika b’mod faċli u ċar sabiex ikun disważiv b’mod effettiv. Il-Kumitat jinnota li s-sistema tal-liċenzja bil-punti f’ċerti każijiet tista’ tippreġudika lill-ekwipaġġ, minkejja li fil-fatt huma l-għażliet u l-imġiba tal-kaptan tal-bastiment tas-sajd li jiġu sanzjonati, anki permezz ta’ miżuri qawwijin bħas-sospensjoni tal-liċenzja tas-sajd. Fil-fażi tas-sospensjoni tal-liċenzja tas-sajd (10), jeħtieġ li jinħolqu mekkaniżmi ta’ protezzjoni għall-ħaddiema tal-bastiment tas-sajd li, wara li jkunu daħlu fi ftehim dwar is-“sajd għal rashom”, jirriskjaw li ma jitħallsux il-paga sakemm ma jmorrux jaħdmu fuq dgħajsa ġdida jew jibdlu direttament l-okkupazzjoni. Minħabba li dan huwa settur li jinsab f’diffikultà, dan l-eżodu kontinwu tar-riżorsi umani, tal-kompetenzi u tal-għarfien jirriskja li joħloq ħsara aktar gravi fir-rigward tal-irkupru.

5.3.

Il-KESE jaqbel mal-proposta li tiġi estiża s-sistema ta’ kontrolli anki għas-sajd rikreattiv, li fih dan l-aħħar ġew affaċċjati diversi każijiet ta’ evitar tal-leġislazzjoni eżistenti għas-sajd “klassiku”. B’mod partikolari, jirrakkomanda li tingħata attenzjoni speċifika lil dawk l-attivitajiet tas-sajd rikreattiv li huma sors ta’ dħul, li jiddistingwuhom mis-sajd rikreattiv għall-konsum u l-użu personali. Din il-miżura hija fundamentali biex jiġu protetti s-sajjieda li joperaw b’mod konformi mal-liġi u biex jiġu miġġielda forom ta’ kompetizzjoni inġusta jew, f’każijiet aktar gravi, anki ta’ sajd illegali.

5.4.

Filwaqt li jaqbel li huwa fundamentali li tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-prodotti tas-sajd, it-tneħħija tal-eżenzjoni fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-qabdiet miżmuma abbord li jkunu < 50 kg fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, tista’ toħloq diffikultajiet kbar, speċjalment għas-sajjieda fuq skala żgħira. Fil-fatt, dawn tal-aħħar, sabiex iħaffu l-prattiki burokratiċi kollha, li potenzjalment ikunu twal fl-ibħra b’diversi speċijiet bħall-Mediterran, jirriskjaw li jitilfu ammont ta’ ħin żejjed qabel ma jħottu l-art, filwaqt li ma jirnexxilhomx ibigħu l-ħut mistad bl-aħjar prezz. Għalhekk jirrakkomanda li jinżamm il-limitu eżistenti, u li jsir monitoraġġ mill-qrib ħalli dan ma jwassalx għal effetti mhux mixtieqa.

5.5.

Il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ traċċabbiltà propost mill-Kummissjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-prodotti importati, huwa appoġġat. Fil-fatt, fl-Istati terzi jseħħu l-aktar każijiet ta’ frodi u ta’ nuqqas ta’ rispett tal-istandards fundamentali tax-xogħol (konvenzjonijiet tal-ILO) u tal-ambjent u madankollu, il-ħut li jirriżulta minn dawn il-prattiki illegali xorta jasal relattivament faċli fuq l-imwejjed taċ-ċittadini Ewropej. Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li sal-lum għadhom iseħħu l-prattiki ta’ sfruttament tax-xogħol fuq xi bastimenti Ewropej (11), li jitolbu għal attenzjoni speċjali min-naħa ta’ dawk responsabbli għall-kontrolli u għal sanzjonijiet ħorox biex iwaqqfu dawn il-prattiki b’mod definittiv.

5.6.

Il-Kumitat jindika li n-netwerk intensiv ta’ kontrolli għat-traċċabilità li ġie stabbilit ma jistax jitwaqqaf wara l-“ewwel bejgħ”, peress li huwa meħtieġ li tkun kontrollata l-katina kollha tal-provvista, “mill-baħar sal-mejda”. Anke f’dan il-każ, huwa rrakkomandat l-involviment attiv tal-atturi interessati kollha, mill-bejjiegħa bl-ingrossa għall-ipproċessar sal-bejgħ bl-imnut.

5.7.

Id-Dikjarazzjoni ta’ Malta tal-2017 “MedFish4Ever” hija pedament tal-azzjoni tal-UE. Madankollu, il-KESE jqis li miżuri speċifiċi tekniċi u ta’ konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd għandhom jiġu adattati għad-diversi tekniki tas-sajd u għall-karatteristiċi bijoloġiċi tal-baħar. B’mod partikolari, il-KESE nnota li l-mudelli ta’ suċċess offruti mill-pjani tas-sajd għal speċi waħda ftit li xejn huma adattabbli għal sajd imħallat, b’impatt serju għall-ambjent u għall-ekonomija (12). Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jirrakkomanda sistema tal-ġbir tad-data dwar l-istokk aktar dettaljata bil-għan li jitfasslu strateġiji ad hoc, li jkunu jistgħu jipproteġu aħjar il-bijodiversità mingħajr ma jagħmlu ħsara eċċessiva lis-settur tas-sajd (13).

5.8.

Kif diġà ġie enfasizza f’Opinjonijiet preċedenti (14), il-KESE jemmen li l-kombinazzjoni ta’ sistema riġida ta’ kwoti mal-obbligu l-ġdid ta’ ħatt l-art jirrappreżenta waħda mill-akbar problemi fis-settur. L-ispejjeż għoljin involuti fit-tranżizzjoni lejn sajd aktar sostenibbli (eż. xbieki selettivi) iridu jkunu appoġġjati għalkollox mill-finanzjament tal-FEMS. Il-KESE jixtieq sistema ta’ kontroll semplifikata, li tkun ibbażata fuq l-analiżi tar-riskju u prammatika, filwaqt li jimmaġina azzjoni importanti fil-livell nazzjonali, bl-appoġġ tal-partijiet ikkonċernati, sabiex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni ta’ għadd kbir ta’ bastimenti.

5.9.

Il-Kummissjoni tipproponi li l-prodotti kollha tas-sajd jintiżnu mal-ħatt l-art minn operaturi rreġistrati qabel ma jinħażnu, jiġu ttrasportati jew jinbiegħu. Il-KESE jqis importanti li tinżamm il-possibbiltà attwali li jkunu adottati kontrolli abbażi ta’ kampjuni. Barra minn hekk, fil-każijiet fejn il-prodotti tas-sajd jiġu ttrasportati qabel ma jitqiegħdu fis-suq jew qabel ma jsir l-ewwel bejgħ f’pajjiż terz, huwa rrakkomandat li jinżamm il-limitu attwali ta’ trażmissjoni tad-dokumentazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti sa 48 siegħa mill-ħatt l-art sabiex jiġi evitat id-dewmien u t-telf konsegwenti tal-kwalità.

5.10.

Il-KESE laqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss (15), u b’mod partikolari l-miżuri ta’ inċentiv previsti għat-trasferiment fuq l-art tal-irkaptu tas-sajd imkisser jew li jkollu ħsara b’tali mod li jiġi ffaċilitat ir-riċiklaġġ tagħhom (16). Din il-miżura, flimkien mal-miżura l-ġdida dwar il-portijiet (17), tiftaħ xenarji u opportunitajiet ġodda għas-sajd sostenibbli u għall-ekonomija ċirkolari. Il-KESE jqis li s-sistema ta’ inċentivi għas-sajjieda previsti għat-trasferiment fuq l-art tax-xbieki għandha tiġi estiża għat-tipi kollha ta’ residwi li jinġabru fil-baħar matul l-attività tas-sajd. Huwa importanti wkoll li jiġi vverifikat li l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ responsabbiltà akbar għall-produttur ma żżidx l-ispiża tax-xiri tax-xbieki għall-intrapriżi tas-settur tas-sajd. Il-FEMS jista’ jirrappreżenta l-aktar strument finanzjarju xieraq biex jappoġġja dan il-proċess.

5.11.

Din l-inizjattiva tkun fundamentali għat-tindif tal-ibħra peress li s’issa s-sajjieda jridu jħallsu biex jarmu fuq l-art ir-residwi li jinġabru matul is-sajd. Dawn, fost oħrajn, jikkorrispondu għal 90 % ta’ dak li jinġabar fix-xbieki, u s-sajjieda huma obbligati wkoll jisseparaw ir-residwi, u f’każ li ma jkunux jistgħu jiġu identifikati, għandhom jikklassifikawhom bħala “skart speċjali”, li jimplika forom speċifiċi ta’ trattament. Fil-prattika, skont ir-regoli eżistenti, is-sajjieda jridu jħallsu biex inaddfu l-baħar minn tniġġis li ma kkawżawhx huma. Il-KESE jemmen li s-sajjieda jistgħu jipprovdu valur miżjud importanti permezz ta’ taħriġ adegwat, fejn minn naħa jikkontribwixxu biex jitnaddaf il-baħar u min-naħa l-oħra joħolqu mekkaniżmu virtuż ta’ integrazzjoni ekonomika għall-attività mwettqa (18).

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.

(3)  Opinjoni tal-KESE (NAT/756), Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (kodifikazzjoni) (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 310).

(4)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(5)  MEDAC, LDAC u l-Europeche ressqu talbiet u proposti speċifiċi diversi drabi biex jingħelbu l-problemi attwali tas-settur iżda dawn mhumiex riflessi fil-pakkett leġislattiv propost mill-Kummissjoni.

(6)  Fl-Italja, bi 8 000 km ta’ kosta, in-numru ta’ bastimenti tas-sajd naqas b’madwar 33 % fl-aħħar 30 sena. Il-bastimenti tas-sajd għandhom medja ta’ 34 sena u għandhom bżonn urġenti ta’ modernizzar jew sostituzzjoni b’bastimenti ġodda; u f’dawn it-30 sena ntilfu 18 000 post tax-xogħol (is-settur tas-sajd fl-Italja jimpjega 27 000 ħaddiem). Data tal-2016 tal-Ministeru Taljan tal-Politiki Agrikoli, Alimentari u Forestali.

(7)  Fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kumitati tad-Djalogu Soċjali Settorjali tal-UE għas-Sajd Marittimu (EUSSDC).

(8)  Opinjoni tal-KESE (NAT/749), Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) (Ara paġna 104 tal-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Opinjoni tal-KESE (NAT/749), Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) (ara nota ta’ qiegħ il-paġna 8).

(10)  Is-sospensjoni tal-liċenzja tas-sajd, abbażi ta’ kriterju ta’ rikorrenza tal-ksur, tista’ ddum minimu ta’ 4 xhur u massimu ta’ sena, sal-irtirar definittiv tal-liċenzja.

(11)  Ara l-Artikolu ta’ The Guardian “We thought slavery had gone away”: African men exploited on Irish boats.

(12)  Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM), The State of Mediterranean and Black Sea Fisheries [L-istat tas-sajd fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed], 2016, p. 26. Kif ġie enfasizzat mill-GFCM tal-FAO, fl-ibħra bi speċi waħda, huwa aktar faċli li jsir sajd immirat minħabba li ftit tipi ta’ ħut jikkoeżistu hemmhekk u, għalhekk, huwa faċli li jiġu stabbiliti limiti fuq il-qabdiet. B’kuntrast, fl-ibħra b’aktar minn speċi waħda, jistgħu jinstabu ħafna speċijiet ta’ ħut fl-istess żona.

(13)  Opinjoni tal-KESE Pjan pluriennali għall-ħut pelaġiku ż-żgħir fil-Baħar Adrijatiku (ĠU C 288, 31.8.2017, p. 68). Opinjoni tal-KESE (NAT/749), Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8).

(14)  Opinjoni tal-KESE Obbligu tal-ħatt (GU C 311, 12.9.2014, p. 68). Punt 1.2 “Madankollu huwa jqis li l-proposta tal-Kummissjoni hija kumplessa wisq u li ser tiġġenera wisq xogħol żejjed u sproporzjonat għas-sajjieda meta jiġu biex japplikaw l-obbligu tal-ħatt. Għaldaqstant jikkunsidra li għandha ssir leġislazzjoni aktar prattika, ċara, sempliċi u flessibbli, li ġenwinament tagħti ż-żmien lis-sajjieda biex jadattaw tul perjodu ta’ tranżizzjoni mingħajr ma jiġu penalizzati b’mod iebes.”.

(15)  Opinjoni tal-KESE (NAT742), Plastik li jintuża darba biss (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 207).

(16)  COM(2018) 340 final

(17)  COM(2018) 33 final

(18)  Opinjoni tal-KESE Strateġija dwar il-plastik f’ekonomija ċirkolari (inkluża l-azzjoni dwar l-iskart fil-baħar) (ĠU C 283 10.8.2018, p. 61).

Opinjoni tal-KESE (NAT742), Plastik li jintuża darba biss (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15).

Opinjoni tal-KESE (NAT/749), Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8).


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/125


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara u li tħassar id-Direttiva 2005/45/KE”

(COM(2018) 315 final — 2018/0162(COD))

(2019/C 110/23)

Relatur:

Tanja BUZEK

Konsultazzjonijiet

Parlament Ewropew, 11.6.2018

Kunsill, 6.6.2018

Bażi legali

L-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

20.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Nru. tas-Sessjoni plenarja

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

201/3/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja b’mod ġenerali l-objettivi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha li temenda d-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara, li tħassar id-Direttiva 2005/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri. Il-KESE jqis li l-bidliet ipprovduti fil-qafas regolatorju huma meħtieġa, proporzjonati u kosteffettivi.

1.2.

Filwaqt li jagħraf il-fatt li ż-żewġ Direttivi kkontribwew għat-titjib tal-edukazzjoni kif ukoll tat-taħriġ marittimu tal-baħħara li jaħdmu fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE, u għall-mobbiltà professjonali tal-baħħara iċċertifikati fl-UE, il-KESE jikkunsidra li huwa rakkomandabbli li jsir pass ieħor ’il quddiem f’dan il-qasam. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li tittieħed opportunità biex fir-reviżjoni tad-Direttiva 2008/106/KE jintalab dibattitu Ewropew iktar komprensiv li jkun jinvolvi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tat-taħriġ u lill-industrija dwar kif jistgħu jkomplu jinvestu fil-ħiliet marittimi Ewropej sabiex jissalvagwardjaw il-kompetittività tal-flotta Ewropea u l-kapaċità tas-settur biex jiġġenera impjiegi ta’ kwalità għal baħħara Ewropej u għal professjonisti marittimi oħra.

1.3.

B’mod partikolari, il-KESE jirrakkomanda ħidma biex jiġi stabbilit forum li jinvolvi lill-istituzzjonijiet ta’ taħriġ tal-UE, lill-industrija, lir-raggruppament marittimu aktar ġenerali u lil amministrazzjonijiet marittimi nazzjonali sabiex jittejjeb it-taħriġ marittimu tal-baħħara u biex jiġu żviluppati korsijiet marittimi Ewropej postgradwatorji li jmorru lil hinn mil-livell minimu miftiehem internazzjonalment dwar it-taħriġ tal-baħħara. Taħriġ bħal dan ikun jagħmilha possibbli li jinħoloq vantaġġ kompetittiv għall-baħħara Ewropej billi jiġu mgħammra b’ħiliet ogħla minn dawk meħtieġa fuq livell internazzjonali, filwaqt li tissaħħaħ l-attraenza tal-professjonijiet fuq il-baħar fl-UE, speċjalment fir-rigward tan-nisa u ż-żgħażagħ.

1.4.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati pakketti tat-tagħlim li jkun validi għall-futur b’enfasi partikolari fuq it-taħriġ dwar il-ġestjoni ta’ kwalità, il-ħiliet ekoloġiċi u l-ħiliet diġitali, u jikkunsidra li l-promozzjoni ta’ ħiliet avvanzati għandhom jimxu id f’id ma’ forom ta’ ċertifikazzjoni/tikkettar.

1.5.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġi żviluppat Netwerk Ewropew ta’ istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Marittimi (METs) li jkunu jissodisfaw kriterji ta’ kwalità sabiex tkompli tittejjeb is-sistema tal-edukazzjoni marittima fl-Ewropa. Jirrakkomanda wkoll li, għall-edukazzjoni tal-kaptani u tal-uffiċjali, jiġi introdott mudell tat-tip “Erasmus” għal skambji bejn l-METs madwar l-UE li jkunu adattati għall-karatteristiċi speċifiċi tas-settur.

1.6.

Fir-rigward tal-mekkaniżmu mġedded għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġin minn pajjiżi terzi, il-KESE jqis li huwa importanti ferm li l-Istati Membri li jkunu qed iressqu t-talba jikkonsultaw l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tas-sidien tal-bastimenti u mal-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins dwar ix-xewqa li jirrikonoxxu pajjiż terz ġdid, qabel ma jissottomettu t-talba lill-Kummissjoni. Il-KESE jixtieq ukoll li jiġi ċċarat li – fejn disponibbli – l-istima dwar baħħara li probabbli jiġu impjegati ser tkun biss kriterju wieħed fil-proċess tad-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ pajjiż terz ġdid u li din teħtieġ tiġi segwita b’mod trasparenti.

1.7.

Fir-rigward tal-estensjoni tal-iskadenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi ġodda minn 18-il xahar għal 24 xahar, u sa 36 xahar f’ċerti ċirkostanzi, il-KESE jesprimi tħassib dwar jekk dan hux il-mekkaniżmu adatt peress li l-proċess jista’ jkun imtawwal bla bżonn għal pajjiż li jkun jissodisfa biċ-ċar ir-rekwiżiti kollha. Għalhekk, il-KESE jitlob li l-proċess jitlesta fl-iqsar żmien possibbli bid-dispożizzjoni li dan jista’ jittawwal sakemm ikun hemm bżonn f’każ li tkun meħtieġa azzjoni korrettiva.

1.8.

Bil-ħsieb li jiġi żgurat użu adatt tar-riżorsi Komunitarji, il-KESE jipproponi li l-Artikolu 20 jiġi emendat sabiex id-dispożizzjonijiet dwar l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ pajjiż terz ikunu japplikaw ukoll għal dawk il-pajjiżi terzi li jonqsu milli jipprovdu għadd sostanzjali ta’ kaptani u uffiċjali għal mill-inqas ħames snin. Il-KESE jixtieq jiċċara li d-deċiżjoni finali għall-irtirar jew le ta’ rikonoxximent mhux se tibqa’ f’idejn l-Istati Membri skont il-proċeduri normali fi ħdan il-COSS u li dawn il-proċeduri jħallu diskrezzjoni biex tiġi kkunsidrata informazzjoni rilevanti pprovduta mill-Istati Membri.

1.9.

Peress li ma jista’ jkun hemm l-ebda kompromess fuq is-sikurezza marittima, il-KESE jirrakkomanda li dawk il-pajjiżi terzi li jipprovdu numru limitat ta’ kaptani u uffiċjali lill-flotta tal-UE m’għandhomx jgħaddu minn reġim ta’ evalwazzjoni anqas strett minn pajjiżi oħrajn.

1.10.

Minbarra l-bidliet proposti għall-proċedura ta’ emenda (l-Artikolu 27) li tistipula li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li temenda d-Direttiva 2008/106/KE permezz ta’ atti delegati, il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni bikrija biex jimplimentaw emendi sabiex jiċħdu l-ħtieġa għal estensjonijiet u perjodi ta’ interpretazzjoni prammatika li jkunu saru meħtieġa minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Istat tal-bandiera f’każijiet preċedenti.

2.   Kuntest

2.1.

Il-leġislazzjoni tal-UE dwar l-edukazzjoni marittima, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara hija bbażata prinċipalment fuq rekwiżiti minimi internazzjonali imposti mill-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa (STCW), kif emendata.

2.2.

Minbarra l-integrazzjoni tal-Konvenzjoni STCW fil-livell tal-UE permezz tad-Direttiva 2008/106/KE, kif emendata, il-qafas tal-UE jipprovdi mekkaniżmu komuni kosteffettiv tal-UE għar-rikonoxximent tas-sistemi tal-edukazzjoni marittima, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni ta’ baħħara ta’ pajjiżi terzi. Dan il-mekkaniżmu huwa ddisinjat b’tali mod li l-evalwazzjoni u l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità tal-pajjiżi terzi mal-Konvenzjoni STCW jitwettqu b’mod ċentralizzat u armonizzat, u tiġi evitata s-sitwazzjoni fejn kull Stat Membru jkollu jwettaqhom fuq bażi individwali. Speċjalment minħabba li attwalment hemm aktar minn 40 pajjiż terz rikonoxxuti fil-livell tal-UE għal dan il-għan.

2.3.

Is-sistema regolatorja fiha wkoll proċedura semplifikata għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri permezz tad-Direttiva 2005/45/KE. Din id-Direttiva għandha l-għan li tħeġġeġ il-mobilità tal-baħħara tal-UE fost bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE, u tippermetti r-rikonoxximent taċ-ċertifikati miżmuma minn kaptani u uffiċjali mingħajr ebda miżura oħra ta’ kumpens.

2.4.

Il-qafas leġislattiv imsemmi hawn fuq għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta’ sikurezza tal-ħajja fuq il-baħar u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar billi jimminimizza r-riskji ta’ inċidenti marittimi. Biex jintlaħaq tali għan, hemm fehim komuni li t-tisħiħ tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-persunal ewlieni abbord bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE huma ta’ importanza kbira.

2.5.

Il-proposta toħroġ mill-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni li jivvaluta sa liema punt iż-żewġ Direttivi laħqu l-għanijiet tagħhom. Il-KESE jinnota li r-reviżjoni proposta hija r-riżultat ta’ evalwazzjoni dettaljata li kienet tinkludi studju komprensiv mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) (Studju għall-evalwazzjoni REFIT tad-Direttivi 2008/KE u 2005/45/KE ddatat Settembru 2017 (3)), konsultazzjoni pubblika flimkien ma’ konsultazzjoni aktar mmirata, kif ukoll sessjonijiet ta’ ħidma li jinvolvu lill-Istati Membri flimkien maż-żewġ naħat tal-industrija, jiġifieri s-sidien tal-bastimenti u t-trade unions li jirrappreżentaw lill-baħħara.

2.6.

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni REFIT tqiesu ġeneralment pożittivi u ġie konkluż li l-leġislazzjoni tal-UE kienet ikkontribwiet għall-eliminazzjoni ta’ ekwipaġġi inferjuri, għall-mobilità tal-baħħara fl-Unjoni u għall-kisba ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn il-baħħara mħarrġa fl-UE u dawk imħarrġa fil-pajjiżi terzi.

2.7.

Madankollu, ġew identifikati xi nuqqasijiet fl-effiċjenza tal-qafas regolatorju u fil-proporzjonalità ta’ wħud mir-rekwiżiti tiegħu. L-intenzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni hija għalhekk li ttaffi n-nuqqasijiet identifikati billi tissemplifika l-leġislazzjoni eżistenti. F’termini aktar konkreti, intervent ulterjuri kien meqjus meħtieġ, jiġifieri biex:

Jiżgura l-allinjament mal-aħħar emendi tal-STCW;

Jaġġorna d-definizzjoni taċ-ċertifikati rikonoxxuti bejn l-Istati Membri billi jgħaqqad id-Direttiva 2005/45/KE mad-Direttiva 2008/106/KE;

Jiddisinja kriterji għal rikonoxximent ġdid/evalwazzjoni mill-ġdid ta’ pajjiżi terzi għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji u umani;

Jistabbilixxi l-kriterji ta’ prijorità għall-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ pajjiżi terzi, billi jiffoka fuq il-pajjiżi fornituri ewlenin filwaqt li jikkunsidra li jestendi ċ-ċiklu tal-evalwazzjoni mill-ġdid għall-pajjiżi l-oħra;

Jestendi l-iskadenza għar-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi ġodda biex dawn il-pajjiżi jingħataw biżżejjed żmien biex jadottaw u jimplimentaw azzjonijiet korrettivi jekk ikun meħtieġ.

3.   Kontenut essenzjali tal-proposta

3.1.

L-għan ġenerali tal-proposta huwa li tissemplifika l-leġislazzjoni eżistenti. B’mod partikolari, din tinkludi:

L-allinjament kontinwu tal-leġislazzjoni rilevanti tal-UE mal-Konvenzjoni STCW;

It-titjib tal-effiċjenza u tal-effettività tal-mekkaniżmu ċentralizzat għar-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi;

Iż-żieda fiċ-ċertezza tad-dritt rigward ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri.

3.2.

Il-mekkaniżmu ċentralizzat għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa minn pajjiżi terzi jirrikjedi li riżorsi umani u finanzjarji sostanzjali jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni, megħjuna f’din il-ħidma mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, biex jevalwaw talbiet ġodda ta’ rikonoxximent mill-Istati Membri fuq naħa waħda, u biex iwettqu l-evalwazzjoni mill-ġdid perjodika tal-pajjiżi terzi diġà rikonoxxuti min-naħa l-oħra.

3.3.

Għal raġunijiet ta’ użu aħjar tar-riżorsi disponibbli, il-Kummissjoni tipproponi li l-proċess ta’ rikonoxximent isir aktar trasparenti billi jippermetti lill-Istat Membru li qed jagħmel it-talba li jiġġustifika r-raġunijiet għas-sottomissjoni tat-talba għar-rikonoxximent. Din il-miżura tikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ diskussjoni bejn l-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti pajjiżi terzi ġodda.

3.4.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi kriterji ta’ prijorità għall-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti bbażati fuq il-kunċett li r-riżorsi disponibbli għandhom jiġu diretti mill-ġdid minn pajjiżi li jipprovdu numru żgħir ta’ baħħara għall-flotta tal-UE għal dawk il-pajjiżi terzi ewlenin li jipprovdu l-ħaddiema.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara, inkluża l-integrazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha tal-proċedura semplifikata għar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri, u li tħassar id-Direttiva 2005/45/KE.

4.2.

Il-KESE huwa tal-fehma li din hija reviżjoni neċessarja peress li tabilħaqq hemm lok għal titjib fl-effiċjenza tal-qafas amministrattiv fir-rigward tas-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku skont din id-Direttiva biex tippermetti allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji u umani tal-Kummissjoni u tal-EMSA.

4.3.

Il-KESE jilqa’ b’mod partikolari l-enfasi li l-Kummissjoni tqiegħed fuq il-livell ta’ trasparenza li għandu jipprevali fl-ipproċessar tat-talbiet għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara ta’ pajjiżi terzi ġodda. Il-KESE jikkunsidra l-pass proċedurali l-ġdid li jippermetti lill-Istat Membru li jagħmel it-talba li jippreżenta r-raġunijiet għaliex ressaq it-talba għar-rikonoxximent bħala proporzjonat, trasparenti u kosteffettiv. L-Istati Membri li jagħmlu t-talba xorta se jkollhom l-opportunità li jirrikonoxxu unilateralment il-pajjiż terz sakemm tittieħed deċiżjoni kollettiva. Għaldaqstant, il-proċess tad-deċiżjoni li jwassal għar-rikonoxximent ta’ pajjiż terz se jsib bilanċ bejn il-ħtieġa għal trasparenza fir-rigward tal-kontroll u l-użu tajjeb tal-flus pubbliċi – il-kost li għandu jiġġarrab mir-rikonoxximent – u l-għan li tinżamm il-kompetittività tal-flotta tal-UE – vantaġġ kompetittiv għall-flotta tal-UE billi timpjega baħħara mill-pajjiż terz rilevanti.

4.4.

Il-KESE jikkunsidra li l-qafas regolatorju tal-UE dwar l-edukazzjoni marittima, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara kkontribwixxa biex jissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tat-tbaħħir billi jiffaċilita l-aċċess għall-impjieg abbord bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE għall-kaptani u l-uffiċjali kollha li għandhom ċertifikat STCW validu, irrispettivament mill-post ta’ residenza jew nazzjonalità tagħhom. Filwaqt li m’hemm l-ebda dubju li t-tbaħħir jopera f’suq tax-xogħol globalizzat, il-KESE jixtieq ifakkar l-importanza li l-UE tinvesti bil-kbir fil-bażi tal-ħiliet marittimi tagħha stess sabiex tissalvagwardja l-massa kritika ta’ baħħara Ewropej li ssostni l-kompetittività tat-tbaħħir Ewropew u r-raggruppamenti marittimi madwar l-UE. B’hekk toħloq il-prospett ta’ impjiegi b’ħiliet għolja u karrieri sodisfaċenti fuq il-baħar jew attivitajiet relatati fuq l-art, għaż-żgħażagħ Ewropej b’mod partikolari filwaqt li żżomm jew saħansitra żżid is-sehem ta’ baħħara tal-UE fil-forza tax-xogħol tat-tbaħħir globali (il-220 000 baħħar attwali tal-UE jirrappreżentaw 18 % tan-numru totali ta’ baħħara globalment) (4).

4.5.

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex finalment jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fl-Istrateġija tat-Trasport Marittimu tal-UE sal-2018 (5) kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika li saru mit-Task Force dwar l-Impjiegi u l-Kompetittività Marittima (TFMEC) (6) lill-Kummissjoni Ewropea, b’rabta mat-tisħiħ tal-effettività u l-effiċjenza tas-sistema edukattiva fit-trasport marittimu. B’mod partikolari, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tal-UE u lill-koleġislaturi biex jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet elenkati hawn taħt f’din it-taqsima.

4.6.

B’mod partikolari, il-KESE jirrakkomanda ħidma biex jiġi stabbilit forum li jinvolvi lill-istituzzjonijiet ta’ taħriġ tal-UE, lill-industrija, lir-raggruppament marittimu aktar ġenerali u lil amministrazzjonijiet marittimi nazzjonali sabiex jittejjeb it-taħriġ marittimu tal-baħħara u b’hekk jittejbu l-kollokament, l-iżvilupp tal-karriera u l-mobilità tagħhom. Wieħed mill-kompiti ewlenin ta’ dan in-netwerk għandu jkun li jiġu żviluppati korsijiet marittimi Ewropej postgradwatorji li jmorru lil hinn mil-livell minimu miftiehem internazzjonalment għat-taħriġ tal-baħħara (magħrufin ukoll bħala “ċertifikati marittimi tal-eċċellenza”, jew “STCW+”) (7). Taħriġ bħal dan ikun jagħmilha possibbli li jinħoloq vantaġġ kompetittiv għall-baħħara Ewropej billi jiġu mgħammra b’ħiliet ogħla minn dawk meħtieġa fuq livell internazzjonali.

4.7.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati pakketti tat-tagħlim li jkunu validi għall-futur b’enfasi partikolari fuq it-taħriġ dwar il-ġestjoni tal-kwalità, il-ħiliet ekoloġiċi u l-ħiliet diġitali. Dan tal-aħħar huwa ta’ importanza kbira billi t-teknoloġija abbord il-bastimenti, l-iskambju tad-data tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, s-sistemi ta’ sostenn ibbażati fuq l-art qegħdin jevolvu malajr. Il-KESE jikkunsidra li l-promozzjoni ta’ ħiliet avvanzati għandha timxi id f’id ma’ forom ta’ ċertifikazzjoni/tikkettar b’tali mod li t-titjib tal-edukazzjoni marittima ikun riżorsa prezzjuża li tgħin lill-baħħara Ewropej javvanzaw fil-prospetti tal-karriera tagħhom. Dan imbagħad se jsaħħaħ l-attraenza tal-professjonijiet tat-tbaħħir fl-UE, speċjalment fir-rigward tan-nisa u ż-żgħażagħ, filwaqt li jtejjeb ukoll l-effiċjenza u l-kwalità tal-operazzjonijiet tal-bastimenti, inkluż l-innovazzjoni kontinwa u tnaqqis fl-ispejjeż.

4.8.

Bl-istess mod, huwa rakkomandabbli wkoll li jitqies l-iżvilupp ta’ netwerk Ewropew ta’ METs li jkun jilħaq kriterji tal-kwalità, sabiex tkompli tittejjeb is-sistema tal-edukazzjoni marittima fl-Ewropa. Għal dan il-għan, il-KESE jirrakkomanda li jittieħdu ideat min-netwerk Ewropew ta’ skejjel tan-navigazzjoni interna – EDINNA (Edukazzjoni dwar in-Navigazzjoni Interna) imwaqqaf fl-2009 biex irawwem l-armonizzazzjoni tal-kurrikula tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Din il-pjattaforma wriet li hija għodda eċċellenti biex tiffaċilita skambju ta’ għarfien kif ukoll approċċ miftiehem lejn l-iżvilupp tal-kompetenzi professjonali. Għall-edukazzjoni tal-kaptani u tal-uffiċjali, il-KESE jirrakkomanda wkoll l-introduzzjoni ta’ mudell tat-tip “Erasmus” għal skambji bejn METs madwar l-UE li jkunu adattati għall-karatteristiċi speċifiċi tas-settur.

4.9.

Barra minn hekk, il-KESE jappella għal azzjoni politika miftiehma mill-UE u mill-Istati Membri biex jappoġġjaw lill-industrija li qed tistinka biex tindirizza l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni meħtieġa tas-settur. Il-KESE josserva li dawn l-isfidi jistgħu jintlaħqu aktar faċilment billi tkun iggarantita sistema ta’ taħriġ u edukazzjoni marittima ta’ kwalità għolja bbażata fl-Ewropa li tibqa’ valida fil-futur. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ t-tnedija imminenti tal-proġett ta’ erba’ snin SkillSea. Dan il-proġett se jrawwem il-kooperazzjoni bejn l-industrija – inklużi l-imsieħba soċjali Ewropej fit-trasport marittimu, l-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) – il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-awtoritajiet nazzjonali, bil-ħsieb li jtejjeb il-kurrikula edukattivi marittimi fl-Ewropa.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-Direttivi 2005/45/KE u 2008/106/KE ġew amalgamati għax iqis li din l-għaqda tagħmel l-implimentazzjoni aktar effettiva u x’aktarx ittejjeb iċ-ċarezza u tissemplifika l-qafas ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni tal-baħħara. Tali konsolidazzjoni se tindirizza b’mod partikolari l-problema tad-definizzjoni skaduta taċ-ċertifikati fid-Direttiva 2005/45/KE u tipprovdi kjarifika u allinjament tad-definizzjoni taċ-ċertifikati tal-baħħara rikonoxxuti mill-Istati Membri. Għandu tassew jiġi żgurat li d-definizzjoni taċ-ċertifikati tal-baħħara tiġi aġġornata biex taqbel mad-definizzjonijiet il-ġodda li ġew introdotti fl-2012. Tali aġġornament x’aktarx iżid iċ-ċertezza tad-dritt fl-iskema ta’ rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri tal-UE.

5.2.

L-Artikolu 5b ġdid għandu l-għan li jinkludi r-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/106/KE. Il-KESE jqis din iż-żieda bħala essenzjali għaliex tiċċara liema ċertifikati għandhom jiġu rikonoxxuti reċiprokament għall-fini biex baħħara ċċertifikati minn Stat Membru wieħed jitħallew jaħdmu fuq bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru ieħor.

5.3.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ u jinkoraġġixxi aktar il-mobilità tax-xogħol biex jgħin lill-kaptani u lill-uffiċjali ċċertifikati fl-UE u lis-sidien tal-bastimenti fl-Ewropa jsibu lil xulxin b’anqas xkiel. F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li skont il-Kummissjoni (8), fis-sena 2015 innifisha, aktar minn 47 000 approvazzjoni ta’ Ċertifikat ta’ Kompetenza maħruġa inizjalment minn Stat Membru ieħor kienu validi fl-Unjoni, li jirrappreżentaw madwar 25 % tan-numru totali ta’ kaptani u uffiċjali disponibbli għax-xogħol abbord bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE.

5.4.

Iċ-ċifri msemmija hawn fuq juru li l-iskema għar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri pproduċiet riżultati inkoraġġanti fir-rigward tat-trawwim tal-mobilità tal-baħħara tal-UE fost bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE. Barra dan, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ kontribut kontinwu biex jipproteġi l-impjiegi Ewropej fuq il-baħar, jiżgura l-futur tal-METs madwar l-UE u jissalvagwardja l-għarfien marittimu Ewropew b’mod ġenerali.

5.5.

Il-KESE jappoġġja l-proposta għal allinjament tad-Direttiva 2008/106/KE għall-aħħar emendi tal-Konvenzjoni STCW sabiex jiġu evitati inkonsistenzi legali fid-Direttiva fir-rigward tal-qafas regolatorju internazzjonali. Allinjament bħal dan x’aktarx li jissalvagwardja l-implimentazzjoni armonizzata fil-livell tal-UE, jgħin lill-ekwipaġġi biex jiksbu ħiliet u kompetenzi ġodda – b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ taħriġ u kwalifikazzjoni għal baħħara li jaħdmu abbord vapuri tal-passiġġieri u vapuri li jaqgħu taħt il-Kodiċi ta’ Sigurtà għal Vapuri li jużaw Gassijiet jew Fjuwils oħra b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (Kodiċi IGF) u l-Kodiċi ta’ Sigurtà għal Vapuri li joperaw fl-Ilmijiet Polari (Kodiċi Polari) mill-OMI – waqt li jappoġġja l-iżvilupp tal-karriera.

5.6.

Il-KESE mhux konvint mill-użu sproporzjonat tar-riżorsi finanzjarji u umani tal-Komunità għall-evalwazzjoni ta’ pajjiżi terzi ġodda li jistgħu jonqsu milli jipprovdu numru sostanzjali ta’ kaptani u uffiċjali. Għalhekk, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni li kull talba ġdida sottomessa minn Stat Membru għar-rikonoxximent ta’ pajjiż terz għandha tkun akkumpanjata minn analiżi li tinkludi stimi tan-numru ta’ uffiċjali u kaptani li x’aktarx ikunu impjegati minn dak il-pajjiż. Barra minn hekk, il-KESE jqis li huwa importanti ferm li l-Istati Membri jikkonsultaw mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tas-sidien tal-bastimenti u mal-organizzazzjonijiet tat-trade unions dwar ix-xewqa li jirrikonoxxu pajjiż terz ġdid, qabel ma jissottomettu t-talba lill-Kummissjoni. Il-KESE jixtieq ukoll li jiġi ċċarat li – fejn disponibbli – l-istima dwar baħħara li probabbli jiġu impjegati ser tkun biss kriterju wieħed fil-proċess tad-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ pajjiż terz ġdid u li din teħtieġ tiġi segwita b’mod trasparenti.

5.7.

Għal raġunijiet ta’ aktar effettività u użu aħjar tar-riżorsi disponibbli, il-KESE bi pjaċir jinnota li skont il-proposta (l-Artikolu 19), tingħata ġustifikazzjoni u tiġi diskussa fost l-Istati Membri meta Stat Membru jkun jixtieq iressaq talba għar-rikonoxximent ta’ pajjiż terz ġdid. Il-KESE jixtieq jiċċara li d-deċiżjoni finali dwar ir-rikonoxximent jew le ta’ pajjiż terz ġdid se tibqa’ f’idejn l-Istati Membri skont il-proċedura normali li tinkludi votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fi ħdan il-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS). Il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li ssir konċessjoni sabiex Stat Membru jkun jista’ unilateralment jirrikonoxxi ċ-ċertifikati ta’ pajjiż terz waqt li r-riżultat tal-evalwazzjoni jkun mistenni. Il-KESE jappoġġja bil-qawwa tali konċessjoni li toffri soluzzjoni proporzjonata u kosteffettiva filwaqt li tippreserva l-kompetittività tal-flotta tal-UE.

5.8.

Fir-rigward tal-estensjoni tal-iskadenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi ġodda minn 18-il xahar għal 24 xahar, u għal 36 xahar f’ċerti ċirkostanzi, il-KESE jqis li l-miżura proposta hija ġġustifikata sakemm ikun hemm bżonn konvinċenti għall-pajjiż terz biex jimplimenta azzjonijiet korrettivi. Madankollu, il-KESE jesprimi tħassib dwar jekk l-estensjoni tal-proċess ta’ rikonoxximent b’mod awtomatiku hijiex il-mekkaniżmu korrett peress li jista’ jkun il-każ li pajjiż li jissodisfa b’mod ċar ir-rekwiżiti kollha jkollu l-proċess imtawwal bla bżonn. Il-KESE għalhekk jissuġġerixxi li l-għan jibqa’ jkun li jitlesta l-proċess f’qasir żmien daqs kemm huwa raġonevoli bid-dispożizzjoni li dan jista’ jittawwal sakemm ikun meħtieġ jekk tkun meħtieġa azzjoni korrettiva.

5.9.

L-Artikolu 20 rivedut jintroduċi raġuni distintiva biex jiġi rtirat ir-rikonoxximent ta’ pajjiż terz abbażi li ma pprovda l-ebda baħħara lill-flotta tal-UE għal tal-anqas ħames snin. Il-KESE jixtieq jiċċara li d-deċiżjoni finali dwar l-irtirar jew le ta’ rikonoxximent mhux se tibqa’ f’idejn l-Istati Membri skont il-proċeduri normali fi ħdan il-COSS u li din il-proċedura tħalli diskrezzjoni biex tiġi kkunsidrata informazzjoni rilevanti pprovduta mill-Istati Membri. Filwaqt li jappoġġja b’mod ġenerali din ir-reviżjoni, il-KESE jixtieq jirrimarka li għal raġunijiet ta’ użu xieraq tar-riżorsi, l-argument xorta japplika kemm jekk pajjiż terz jonqos milli jipprovdi kaptani jew uffiċjali kif ukoll jekk jipprovdi numru sostanzjali. F’dan l-isfond u f’konformità sħiħa mal-proċeduri, il-KESE jipproponi li r-rikonoxximent ta’ pajjiż terz jista’ jiġi revokat f’każ li pajjiż terz jonqos milli jipprovdi numru sostanzjali ta’ kaptani u uffiċjali għal tal-anqas ħames snin.

5.10.

Il-KESE mhux konvint mir-raġuni wara l-emenda għall-Artikolu 21 li teħtieġ li l-perjodu ta’ evalwazzjoni mill-ġdid jista’ jiġi estiż għal 10 snin abbażi ta’ kriterji ta’ prijorità. Il-KESE jifhem li minn perspettiva strettament matematika, pajjiżi terzi li jipprovdu numru kbir ta’ baħħara joħolqu, fit-teorija, theddida akbar għall-operat sikur tal-bastimenti minn dawk li jipprovdu numru limitat ta’ baħħara. Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, u filwaqt li wieħed jassumi li ma jista’ jkun hemm l-ebda kompromess fuq is-sikurezza marittima, il-KESE jirrakkomanda li dawk il-pajjiżi terzi li jipprovdu numru limitat ta’ kaptani u uffiċjali lill-flotta tal-UE m’għandhomx jgħaddu minn reġim ta’ evalwazzjoni anqas strett.

5.11.

Il-KESE jappoġġja l-emenda għall-Artikolu 25a li hija emenda meħtieġa biex isir possibbli li tintuża b’mod trasparenti l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar in-numru ta’ approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent ta’ ċertifikati maħruġa minn pajjiżi terzi għall-finijiet tal-irtirar tar-rikonoxximent u l-prijoritizzazzjoni tal-evalwazzjoni mill-ġdid tal-pajjiżi terzi, kif previst fl-Artikolu 20 u fl-Artikolu 21.

5.12.

Il-KESE huwa konxju bis-sħiħ li minħabba n-natura globali tat-tbaħħir, l-għan għandu jkun li jiġi evitat kunflitt bejn l-impenji internazzjonali tal-Istati Membri u l-impenji tagħhom tal-Unjoni. Dan jitlob allinjament kontinwu tal-qafas Ewropew mal-Konvenzjoni STCW, li tippermetti l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn l-UE u pajjiżi terzi fl-implimentazzjoni tal-qafas internazzjonali dwar l-edukazzjoni marittima, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, u fil-każ ta’ emendi futuri għall-Konvenzjoni STCW, il-KESE jqis li huwa rilevanti li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex temenda, permezz ta’ atti delegati, biex tiżgura adattament aktar malajr u mingħajr xkiel għall-bidliet fil-Konvenzjoni STCW u fil-Kodiċi.

5.13.

Fir-rigward ta’ dan ta’ hawn fuq, il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni bikrija biex jimplimentaw emendi sabiex jiċħdu l-ħtieġa għal estensjonijiet u perjodi ta’ interpretazzjoni prammatika li jkunu saru meħtieġa minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Istat tal-bandiera f’każijiet preċedenti.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.

(2)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 160.

(3)  https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/legislation/2017-09-stwc-support-study-refit-eval-dirs-20080106-20050045.pdf

(4)  SWD (2016) 326 final.

(5)  COM(2009) 8 final.

(6)  It-Task Force dwar l-Impjiegi u l-Kompetittività Marittimi twaqqaf mill-Viċi President tal-Kummissjoni Kallas u ppreżenta r-rapport tiegħu fid-9 ta’ Ġunju 2011.

(7)  COM(2009) 8 final.

(8)  SWD(2017) 18 final.


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/132


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-perjodu 2021–2025 li jikkumplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”

(COM(2018) 437 final — 2018/0226)

(2019/C 110/24)

Relatur:

Giulia BARBUCCI

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 12.7.2018

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 13.7.2018

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

20.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

208/3/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta għal Regolament dwar il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) 2021–2025, li jenfasizza l-kontinwità mal-programmi preċedenti għar-riċerka u l-iżvilupp tal-fużjoni, tal-fissjoni u tas-sikurezza nukleari, u l-JRC, filwaqt li jindirizza wkoll oqsma ġodda ta’ azzjoni bħall-protezzjoni mir-radjazzjoni u d-dekummissjonar tal-impjanti nukleari.

1.2.

Il-KESE jqis il-baġit tal-Euratom adegwat għall-objettivi stabbiliti u jqis essenzjali li dan il-baġit jinżamm irrispettivament mir-riżultati tan-negozjati dwar il-Brexit. F’dan ir-rigward, il-Kumitat iqis li huwa kruċjali li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-programm Euratom jiġi mmaniġġjat bir-reqqa, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-linji ta’ riċerka diġà mibdija, l-infrastrutturi kondiviżi u l-impatt soċjali fuq il-persunal (eż. kundizzjonijiet tax-xogħol) fir-Renju Unit u barra mill-pajjiż.

1.3.

Il-KESE jqis il-proġett JET bħala fattur kruċjali għall-iżvilupp tal-proġett ITER, li għalih l-ITER jirrappreżenta wkoll l-evoluzzjoni suċċessiva mill-perspettiva xjentifika. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat iqis importanti li JET jibqa’ operattiv (jew bħala proġett tal-UE jew bħala proġett kondiviż bejn l-UE u r-Renju Unit) sakemm il-proġett ITER ikun operattiv.

1.4.

Il-KESE jemmen li l-aspetti innovattivi introdotti fil-programm, bħalma huma s-simplifikazzjoni tiegħu, l-estensjoni tal-għanijiet (radjazzjoni jonizzanti u d-dekummissjonar tal-faċilitajiet), it-titjib tas-sinerġija mal-Programm Orizzont Ewropa u l-possibbiltà li jiġu ffinanzjati azzjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ għar-riċerkaturi (eż. Marie Skłodowska-Curie), jissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini u jsaħħu l-effiċjenza u l-effettività tal-programm.

1.5.

Il-Kumitat jemmen li s-sikurezza nukleari għandha tinftiehem skont kunċett dinamiku, li jinvolvi l-monitoraġġ u l-aġġustament kostanti tal-leġislazzjoni attwali skont l-aktar skoperti u innovazzjonijiet reċenti, li jkopru l-ispettru sħiħ tal-ħajja tal-faċilitajiet. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-faċilitajiet li jinsabu fuq il-fruntieri bejn pajjiżi tal-UE, billi tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u lokali u jiġi żgurat l-involviment effettiv taċ-ċittadini u tal-ħaddiema.

1.6.

Il-KESE jqis li l-edukazzjoni sa mis-snin obbligatorji u t-taħriġ huma fattur essenzjali biex iż-żgħażagħ jiġu mħajra għas-suġġetti xjentifiċi u teknoloġiċi. Dan l-element huwa kruċjali biex fil-futur jiżdied in-numru ta’ riċerkaturi Ewropej tas-settur, li attwalment mhumiex biżżejjed biex ikopru d-domanda tas-sistema produttiva u ta’ riċerka.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) 2021-2025 tifforma parti mill-pakkett leġislattiv tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont Ewropa” 2021-2027 (1). Il-Programm propost se jdum ħames snin skont l-Artikolu 7 tat-Trattat Euratom, bil-possibbiltà li jiġi estiż b’sentejn biex jiġi allinjat mat-tul ta’ żmien tal-“Orizzont Ewropa” u tal-“Qafas Finanzjarju Pluriennali” (QFP).

2.2.

Il-Programma “Orizzont Ewropa” se jkollu baġit finanzjarju ta’ EUR 100 biljun għall-perjodu 2021-2027, li EUR 2,4 biljun minnhom se jkunu ddedikati għall-Programm Euratom. Il-Programm Qafas “Orizzont Ewropa” jistabbilixxi wkoll qafas ta’ referenza għall-istrumenti u l-metodi ta’ parteċipazzjoni kif ukoll għad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, valutazzjoni u governanza. Is-setturi ta’ riċerka appoġġjati mill-Euratom mhumiex inklużi fl-“Orizzont Ewropa” kemm għal raġunijiet legalii (Trattati separati), kif ukoll għal raġunijiet ta’ ġestjoni (l-evitar ta’ duplikazzjoni) u jsaħħu s-sinerġiji bejn il-programmi.

2.3.

Il-KESE ddedika Opinjoni ad hoc għall-proposta tal-programm “Orizzont Ewropa” (2), li hija relatata ma’ din l-Opinjoni kemm f’dak li jirrigwarda viżjoni kif ukoll rakkomandazzjonijiet. Il-KESE fassal ukoll żewġ Opinjonijiet oħrajn relatati ma’ din, dwar il-proġett ITER (3) u dwar l-iżmantellar tal-impjanti nukleari (4).

3.   Sommarju tal-proposta

3.1.

Il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ Euratom jirrigwarda d-diversi applikazzjonijiet tal-enerġija nukleari fl-Ewropa, kemm għall-produzzjoni tal-enerġija kif ukoll għal skopijiet oħrajn f’setturi oħrajn (eż. radjazzjoni jonizzanti fis-settur mediku). L-isforzi tal-Unjoni Ewropea huma mmirati lejn l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji siguri, li jnaqqsu r-riskji u jiżguraw l-aħjar protezzjoni mir-radjazzjoni. Għaldaqstant, l-Euratom jippermetti li jiġu kkomplementati l-kontributi tal-Istati Membri billi jkun hemm kondiviżjoni tal-proċessi ta’ innovazzjoni, riċerka u taħriġ.

3.2.

Il-Proposta tistabbilixxi l-baġit u l-għanijiet komuni ta’ riċerka għall-azzjonijiet kemm diretti (li jittieħdu direttament mill-Kummissjoni permezz taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka – JRC), kif ukoll indiretti (imwettqa minn individwi pubbliċi jew privati ffinanzjati mill-Programm), li jiġu implimentati b’konformità mal-programmi ta’ ħidma maqbula mal-Istati Membri.

3.3.

Il-Programm Euratom 2021-2025 se jiġi implimentat b’mod ta’ ġestjoni diretta. Madankollu, il-Kummissjoni, tista’ tiddeċiedi, jekk tqis li huwa adatt u effettiv, li tuża ġestjoni kondiviża u/jew indiretta, billi tassenja permezz ta’ kuntratt l-eżekuzzjoni ta’ ċerti partijiet tal-programm lil Stati Membri, persuni jew impriżi u lil Stati terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’konformità mal-Artikolu 10 tat-Trattat Euratom.

3.4.

Il-programm propost se jkompli bl-attivitajiet ta’ riċerka ewlenin tal-programm Euratom li għaddej bħalissa (radjuprotezzjoni, sikurezza nukleari kemm tal-faċilitajiet kif ukoll fil-kuntest tal-politika internazzjonali, l-immaniġġjar tal-iskart radjuattiv u l-enerġija mill-fużjoni), iżda jagħti aktar attenzjoni lid-diżattivazzjoni kif ukoll lil applikazzjonijiet differenti mill-ġenerazzjoni tal-enerġija bħar-radjazzjoni jonizzanti. Il-baġit propost ta’ EUR 1 675 000 000 għall-perjodu 2021–2025 huwa mqassam bejn ir-riċerka u l-iżvilupp għall-fużjoni nukleari (EUR 724 563 000), il-fissjoni nukleari, is-sikurezza nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni (EUR 330 930 000) u l-JRC (EUR 619 507 000).

3.5.

It-twessigħ tal-firxa tal-għanijiet iżid it-trasversalità tal-istrument, billi jitqiegħed aktar għas-servizz taċ-ċittadini. B’mod partikolari, l-għadd dejjem jikber ta’ applikazzjonijiet differenti tar-radjazzjoni jonizzanti jirrikjedi l-protezzjoni tal-persuni u l-ambjent minn esponiment bla bżonn għar-radjazzjoni. It-teknoloġiji radjoloġiċi jonizzanti jintużaw kuljum fl-Ewropa f’għadd ta’ oqsma, speċjalment fil-qasam mediku. Għaldaqstant, anki r-riċerka fuq ir-radjuprotezzjoni se tkun żviluppata b’mod trasversali, kemm fil-produzzjoni tal-enerġija nukleari kif ukoll għas-settur mediku, mingħajr ma jiġu esklużi forom oħrajn ta’ użu fis-settur industrijali, agrikolu, ambjentali u tas-sigurtà.

3.6.

Element innovattiv ieħor huwa r-riċerka għall-iżvilupp u l-valutazzjoni tat-teknoloġiji għad-diżattivazzjoni u l-irkupru ambjentali tal-impjanti nukleari, wara li żdiedet it-talba għalihom. Dan l-aspett huwa kruċjali biex tingħalaq il-ħolqa fir-rigward tal-aspetti l-oħrajn ta’ sigurtà li diġà huma koperti mill-programm li għadu għaddej: is-sikurezza nukleari (jiġifieri s-sikurezza tar-reatturi u taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari), il-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, il-protezzjoni radjoloġika u t-tħejjija għall-emerġenzi (inċidenti radjuattivi u riċerka fuq ir-radjuekoloġija) u azzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-politiki għas-sikurezza nukleari, salvagwardji u n-nonproliferazzjoni.

3.7.

Dawn l-inizjattivi se jkunu kkomplementati minn azzjoni speċifika li tappoġġja l-iżvilupp ta’ enerġija mill-fużjoni, sors ta’ enerġija potenzjalment ineżawribbli u b’inqas impatt ambjentali. B’mod partikolari, il-proposta tiffoka fuq l-iżgurar tal-kontinwità fl-implimentazzjoni tal-“pjan direzzjonali għall-fużjoni”, li għandu jwassal għall-kostruzzjoni tal-ewwel impjant fit-tieni nofs ta’ dan is-seklu. Għal din ir-raġuni, l-UE se tkompli tappoġġja l-proġett ITER bi programm speċifiku (5) u, f’perspettiva futura, il-proġett DEMO.

3.8.

Fl-aħħar nett, minbarra l-attivitajiet ta’ riċerka, il-proposta tipprovdi l-possibbiltà għar-riċerkaturi nukleari li jipparteċipaw fil-programmi ta’ tagħlim u taħriġ (eż. l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie), biex jinżamm livell għoli ta’ ħiliet, u appoġġ finanzjarju apposta biex jingħata l-aċċess għall-infrastrutturi ta’ riċerka Ewropej u internazzjonali (inkluż il-JRC).

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-Proposta għal Regolament għall-programm Euratom 2021-2025. B’mod partikolari, il-Kumitat jilqa’ ż-żieda fl-interazzjonijiet taħt il-programm qafas “Orizzont Ewropa”, sabiex jiġu żgurati mekkaniżmi komuni ta’ governanza, aċċess u ġestjoni tal-fondi, kif ukoll l-integrazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ taħriġ, biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet.

4.2.

Il-KESE jqis il-baġit allokat għal Euratom bħala adatt għall-għanijiet li l-UE stabbilixxiet fil-qasam nukleari. Għal din ir-raġuni, iqis fundamentali li din l-allokazzjoni finanzjarja tinżamm irrispettivament mir-riżultati tan-negozjati dwar il-Brexit. F’dan ir-rigward, il-Kumitat iqis li huwa kruċjali li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-programm Euratom jiġi mmaniġġjat bir-reqqa, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-linji ta’ riċerka diġà mibdija, l-infrastrutturi kondiviżi u l-impatt soċjali fuq il-persunal (eż. kundizzjonijiet tax-xogħol) fir-Renju Unit u barra mill-pajjiż (6).

4.3.

B’mod partikolari, il-KESE jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-proġett ITER teħtieġ l-appoġġ tal-proġett JET (Joint European Taurus), li l-impjant tiegħu jinsab fir-Renju Unit u huwa ffinanzjat minn Euratom. Fil-fatt, permezz tal-proġett JET jiġu ttestjati, fost l-oħrajn, partijiet tal-impjant ITER li attwalment jinsab taħt kostruzzjoni u li, fil-fatt, jirrappreżenta l-evoluzzjoni tal-proġett JET mill-perspettiva xjentifika. Dan l-impjant huwa uniku fid-dinja u ma jistax jiġi sostitwit. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat iqis importanti li JET jibqa’ operattiv (jew bħala proġett tal-UE jew bħala proġett kondiviż bejn l-UE u r-Renju Unit) sakemm il-proġett ITER ikun operattiv.

4.4.

Il-Kumitat jappoġġja l-istruttura tal-Proposta għal Regolament, li hija prinċipalment immirata biex tkompli l-attivitajiet ta’ riċerka u l-proġetti ta’ riċerka li diġà jeżistu, bħall-proġett ITER li jirrappreżenta objettiv importanti fil-proċessi tad-dekarbonizzazzjoni (7), il-provvista tal-enerġija u l-iżvilupp industrijali (8). Il-programm il-ġdid jinkludi wkoll innovazzjonijiet interessanti li jiftħu l-firxa tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni eliġibbli għall-finanzjament orjentati lejn l-iżvilupp u t-tkabbir.

4.5.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta li jiġu inklużi fost l-azzjonijiet eliġibbli għall-finanzjament dawk dwar ir-radjazzjoni jonizzanti, billi tiġi estiża t-trasversalità tal-programm b’konformità ma’ dak li ġie stabbilit fil-programm “Orizzont Ewropa” dwar l-isfidi tas-soċjetà. F’dan ir-rigward, huwa importanti li r-riżultati tal-proċessi ta’ riċerka u innovazzjoni mil-lat ta’ privattivi u teknoloġiji ġodda jinħarġu b’mod rapidu u sistematiku, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tagħhom (9).

4.6.

Huwa importanti li r-riżultati miksuba permezz tal-finanzjament u l-isforzi konġunti fuq skala Ewropea jiġu mħabbra liċ-ċittadini. Dan għandu jsaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fix-xjenza u fir-riċerka, kif ukoll l-għarfien dwar l-importanza tal-Unjoni Ewropea u ta’ strateġija speċifika għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.

4.7.

Il-Kumitat iqis bħala pożittiva wkoll l-estensjoni tal-finanzjamenti għar-riċerka u l-kondiviżjoni ta’ għarfien fuq id-diżattivazzjoni u tar-rimedju ambjentali tal-impjanti nukleari, kemm biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-Istati Membri, kemm biex tingħalaq il-ħolqa fl-immaniġġjar tal-proċessi marbuta mal-produzzjoni tal-enerġija nukleari, li għandha twassal li jinstab rimedju ambjentali sigur tal-impjanti li ma għadhomx jintużaw.

4.8.

Il-KESE jqis li l-estensjoni tal-programm għall-attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, bħal fil-każ tal-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, hija kruċjali biex jinżammu l-istandards għoljin tal-għarfien espert fl-UE. Madankollu, huwa importanti li jiġu stabbiliti objettivi anki mil-lat ta’ kwantità minbarra ta’ kwalità, peress li sal-lum ir-riċerkaturi Ewropej tas-settur mhumiex biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet tas-sistema Ewropea għall-produttivà u r-riċerka (10).

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Il-qafas il-ġdid għas-sikurezza nukleari żviluppat wara d-diżastru ta’ Fukushima (11) jindirizza t-tħassib taċ-ċittadini. L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet sistema ta’ kontrolli sistematiċi (“rieżami bejn il-pari”) u mekkaniżmi ta’ sikurezza dinamiċi u fuq diversi livelli li żiedu l-istandard tas-sikurezza tal-impjanti. Il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni korretta ta’ din id-direttiva, kif ukoll li tiġi aġġornata u adatta għall-isfidi l-ġodda, li jkopru l-ispettru kollu tal-ħajja tal-impjanti, mill-ippjanar ta’ reatturi ġodda għall-adattament kostanti ta’ dawk eżistenti, sakemm jiġu dekummissjonati (12). F’dan il-kuntest nemmnu li attivitajiet ta’ monitoraġġ minn partijiet interessati esterni u indipendenti jistgħu jiggarantixxu l-ilħuq tal-ogħla standards ta’ sikurezza.

5.2.

Peress li ħafna reatturi jinsabu fuq il-fruntieri bejn żewġ pajjiżi tal-UE jew aktar, huwa importanti li jinħoloq qafas imsaħħaħ ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati, sabiex jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ reazzjoni rapida għall-inċidenti transkonfinali mhux prevedibbli (13), u b’hekk tiġi żgurata kollaborazzjoni effettiva u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u nazzjonali kkonċernati. Dan il-proċess, fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/87/Euratom, għandu jipprevedi wkoll attività effettiva u mifruxa ta’ informazzjoni u taħriġ għall-ħaddiema u għaċ-ċittadini, li għalihom huma previsti forom ta’ appoġġ permezz ta’ linji speċifiċi ta’ finanzjament. Inizjattivi simili għandhom jitwettqu mal-pajjiżi terzi ġirien li jaqsmu dawn ir-riskji wkoll (14).

5.3.

Il-Kumitat jemmen li s-sottokuntrattar jista’ jirrappreżenta fattur ta’ inċertezza fil-manutenzjoni tal-impjanti nukleari u għalhekk jirrakkomanda li dan ikun “limitat u kkontrollat b’mod strett” (15).

5.4.

Il-KESE jqis essenzjali li l-interess taż-żgħażagħ fir-rigward tax-xjenza u t-teknoloġija għandu jiġi sostnut u appoġġjat, li jeħtieġ l-involviment attiv u infurmat tal-għalliema skolastiċi. Dawn tal-aħħar, permezz ta’ taħriġ u aġġornament kontinwu, għandhom ikunu dawk li jwasslu l-għarfien b’mod pożittiv u jinkoraġġixxu d-diskussjonijiet miftuħa mal-istudenti fuq is-suġġett, ħielsa minn preġudizzji u sterjotipi.

5.5.

B’mod partikolari, il-KESE jappoġġja l-inizjattivi (anki permezz tal-programm Erasmus+) li għandhom l-għan li jxerrdu s-suġġetti STEAM fl-iskejjel, jiġifieri x-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika flimkien mal-arti. Permezz ta’ dan l-approċċ, l-istudenti jitħeġġu jadottaw attitudni sistematika u sperimentali, peress li jingħataw iċ-ċans li jsolvu problemi tad-dinja reali b’mod kreattiv. Ir-riċerka u l-proġetti diġà ffinanzjati mill-UE fl-aħħar snin taw riżultati ferm pożittivi, li juri li dan l-approċċ jistimula l-interess f’suġġetti tekniċi, matematiċi u xjentifiċi, li mbagħad isiru l-ewwel għażla għall-istudenti meta jagħżlu l-kors universitarju tagħhom (16).

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  COM(2018) 435 final.

(2)  INT/858, Orizzont Ewropa (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 33).

(3)  TEN/680, Il-QFP u l-ITER (ara paġna 136 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  TEN/681, Il-QFP, id-dekummissjonar tal-impjanti nukleari u l-iskart radjuattiv (ara paġna 141 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  TEN/680, Il-QFP u l-ITER (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3).

(6)  https://www.nature.com/articles/d41586-018-06826-y.

(7)  ĠU C 107, 06.07.2018, p. 37.

(8)  ĠU C 229, 31.07.2012, p. 60.

(9)  INT/858, Orizzont Ewropa (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).

(10)  ĠU C 237, 06.07.2018, p. 38.

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/87/Euratom (ĠU L 219, 25.7.2014, p. 42) u d-Direttivi relatati magħha.

(12)  ĠU C 341, 21.11.2013, p.92.

(13)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 127

(14)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 104.

(15)  ĠU C 237, 06.07.2018, p. 38.

(16)  ĠU C 75, 10.03.2017, p.6.


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/136


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi”

(COM (2018) 445 final — 2018/0235 (NLE))

(2019/C 110/25)

Relatur:

Ulrich SAMM

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 12.7.2018

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

20.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

202/0/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jinnota li l-kisba ta’ enerġija nadifa hija prijorità għolja u għal dan il-għan l-enerġija mill-fużjoni hija rikonoxxuta bħala soluzzjoni fit-tul potenzjali bl-Ewropa fuq quddiem nett tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-fużjoni li huma ħielsa mill-karbonju, sostenibbli u jgħinu sabiex jiżguraw it-taħlita tagħna ta’ provvisti tal-enerġija.

1.2.

Il-KESE jenfasizza li l-livell għoli ta’ investiment fit-tul meħtieġ sabiex jiġi żviluppat impjant tal-enerġija mill-fużjoni għadha tinvolvi xi riskju industrijali, iżda fil-każ ta’ suċċess, is-seħħ ta’ impjant tal-enerġija mill-fużjoni ikun fattur li jkun għadu kemm ġie introdott li jbiddel b’mod sinifikanti l-provvista eżistenti ta’ enerġija billi tiġi pprovduta innovazzjoni fixkiela, hekk kif il-fjuwil għall-fużjoni huwa abbundanti u kważi ineżawribbli.

1.3.

Il-proposta tindirizza l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja l-QFP li jmiss sabiex isostni l-momentum pożittiv tal-proġett ITER. Kollaborazzjoni ta’ seba’ msieħba globali (l-UE, l-Istati Uniti, ir-Russja, il-Ġappun, iċ-Ċina, il-Korea t’Isfel, u l-Indja) bħalissa qed tibni f’Cadarache, fi Franza, l-ewwel reattur ta’ fużjoni ITER bi produzzjoni termali ta’ 500 MW. Il-bidu tal-operazzjonijiet huwa fl-2025 u l-operat bi prestazzjoni sħiħa (500 MW) huwa ppjanat għall-2035. Il-KESE japprezza l-progress pożittiv li sar matul l-aħħar snin, wara li ngħelbu l-problemi permezz ta’ reviżjoni maġġuri tal-proġett ITER (maniġment superjuri ġdid u skeda bażi riveduta tal-ITER).

1.4.

Il-KESE iħeġġeġ lill-Kummissjoni tenfasizza aktar l-importanza tal-ħtieġa li torbot il-proġett ITER mar-riċerka Ewropea dwar il-fużjoni organizzata mill-EUROfusion, li hija ffinanzjata taħt il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ (Euratom) u topera l-Joint European Torus (JET), faċilità sperimentali importanti li tinsab f’Culham, ir-Renju Unit. Minbarra l-kostruzzjoni, l-ITER jeħtieġ tħejjija bir-reqqa u komunità tar-riċerka Ewropea b’saħħitha biss tista’ żżomm il-programmi u t-tmexxija li jakkumpanjaw.

1.5.

Il-KESE jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-UE, kif jista’ jidher mis-suċċess tal-EUROfusion. Dan huwa l-programm ta’ riċerka fl-Ewropa li jinvolvi b’mod ċar l-akbar għadd ta’ Stati Membri (ħlief il-Lussemburgu u Malta), li jikkontribwixxu bi proġetti essenzjali, li flimkien jagħmlu lill-UE mexxejja dinjija f’dan il-qasam.

1.6.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon li l-Pjan Direzzjonali Ewropew il-ġdid għar-realizzazzjoni tal-enerġija mill-fużjoni, żviluppat mill-EUROfusion, jipprovdi triq definita tajjeb għall-ewwel impjant tal-enerġija mill-fużjoni bbażata fuq involviment industrijali intensifikat, l-edukazzjoni ta’ xjenzati u inġiniera tal-fużjoni madwar l-Ewropa kollha u kollaborazzjoni b’saħħitha barra mill-Ewropa. Il-pjan direzzjonali jipprevedi li l-ITER ikun qiegħed jaħdem b’mod regolari bi prestazzjoni għolja fl-2035 u fuq il-bażi tar-riżultati, it-tfassil tal-ewwel impjant tal-enerġija mill-fużjoni (DEMO), li jforni għall-ewwel darba l-elettriku lill-grilja, se jitlesta bejn wieħed u ieħor fl-2040 meta tibda l-kostruzzjoni.

1.7.

Il-KESE jifhem li l-ITER għandu kwistjonijiet importanti li jistgħu jiġu indirizzati biss fil-JET u għalhekk jerġa’ jsostni t-tħassib dwar l-effetti tal-Brexit fuq il-kontinwazzjoni tal-JET. Sabiex jiġu minimizzati r-riskji fit-tħaddim tal-ITER u jiġi ottimizzat il-pjan ta’ riċerka tiegħu, il-KESE jqis li huwa importanti li l-JET ikompli jitħaddem (bħala faċilità tal-UE, jew bħala faċilità konġunta tal-UE u r-Renju Unit) fil-perjodu bejn l-2020 u l-ewwel tħaddim tal-ITER, billi ma hemmx soluzzjonijiet ta’ riżerva għat-telf tal-JET matul dan il-perjodu.

1.8.

Il-proposta tal-Kummissjoni tagħti l-baġit għall-ITER, iżda ma jissemma xejn dwar l-adegwatezza tal-baġit meħtieġ għall-programm ta’ riċerka dwar il-fużjoni li jakkumpanja. Il-KESE jenfasizza li l-baġit riżervat għall-EUROfusion fil-perjodu 2021-2025 irid ikun kompatibbli mal-għanijiet tal-pjan direzzjonali tal-fużjoni, fejn il-ħidma tal-ITER hija essenzjali.

1.9.

Il-KESE huwa sodisfatt dwar ir-rilevanza tal-investimenti fit-teknoloġija tal-fużjoni għall-industrija u l-SMEs. Fil-perjodu mill-2008 sal-2017, Fużjoni għall-Enerġija tat kuntratti u għotjiet għall-valur ta’ madwar EUR 3,8 biljun madwar l-Ewropa. Mill-anqas 500 kumpanija li jinkludu SMEs, u aktar minn 70 organizzazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp, minn madwar 20 Stat Membru differenti tal-UE u l-Iżvizzera bbenefikaw mill-investiment fl-attivitajiet tal-ITER. Barra minn hekk, il-Partijiet tal-ITER li mhumiex fl-UE ffirmaw ukoll kuntratti mal-industrija Ewropea biex jappoġġjaw il-manifattura tal-komponenti proprji tagħhom għall-ITER, li jġib impjiegi ġodda u tkabbir addizzjonali għall-kumpaniji Ewropej. Il-KESE jinnota li l-akbar kontributur għall-impatt nett mill-investimenti fl-ITER huwa l-iżvilupp ta’ spin-offs u t-trasferimenti tat-teknoloġija, li joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ negozju f’setturi oħra.

1.10.

Il-KESE huwa konvint li r-riċerka Ewropea dwar il-fużjoni b’mod ġenerali u s-seħħ ta’ ITER b’mod partikolari jistgħu jservu bħala eżempju eċċellenti li juri s-setgħa ta’ proġetti Ewropej konġunti. Huwa importanti li r-riżultati miksuba permezz tal-finanzjament u l-isforzi konġunti fuq skala Ewropea jiġu mħabbra liċ-ċittadini. Dan ser iżid il-fiduċja tal-poplu fix-xjenza u r-riċerka, kif ukoll ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-Unjoni Ewropea.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-ITER (International Thermonuclear Experimental Reactor) huwa proġett ta’ kollaborazzjoni xjentifika internazzjonali mniedi fl-2005 bejn seba’ msieħba globali (il-Partijiet tal-ITER huma: l-UE, l-Istati Uniti, ir-Russja, il-Ġappun, iċ-Ċina, il-Korea t’Isfel, u l-Indja). Il-proġett għandu l-għan li juri l-fattibbiltà xjentifika u teknoloġika tal-enerġija mill-fużjoni għal skopijiet paċifiċi permezz tal-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-ewwel reattur ta’ fużjoni ITER ta’ 500 MW f’Cadarache, fi Franza. Il-KESE diġà appoġġja dan il-proġett b’diversi opinjonijiet (1). L-ITER huwa l-pass li jmiss fit-triq lejn l-enerġija mill-fużjoni, l-aktar sors ta’ enerġija sostenibbli innovattiv u promettenti li kapaċi jlaħħaq mad-domanda dejjem tiżdied għall-enerġija, flimkien mal-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

2.2.

Fl-2015, riforma maġġuri tal-proġett ITER kienet tinkludi l-ħatra ta’ maniġment superjuri ġdid fl-organizzazzjoni ITER kif ukoll fl-impriża konġunta “Fużjoni għall-Enerġija” (F4E). Fid-19 ta’ Novembru 2016, il-Kunsill ITER approva skeda ta’ referenza riveduta tal-ITER. Din l-iskeda tistabbilixxi Diċembru 2025 bħala l-ewwel data teknikament realizzabbli għall-ewwel plażma u tistabbilixxi d-data mmirata għat-tħaddim bi prestazzjoni sħiħa (500 MW), bl-użu tal-fjuwil dewterju-tritju, fl-2035. L-apprezzament pożittiv tal-progress tal-ITER f’dawn l-aħħar snin ġie kkonfermat minn valutazzjonijiet indipendenti, li rrikonoxxew l-istabbilizzazzjoni tal-proġett u bażi realistika għat-tlestija tiegħu.

2.3.

Il-kontribut Ewropew għall-organizzazzjoni ITER huwa pprovdut mill-Aġenzija Domestika tal-UE “Fużjoni għall-Enerġija” (F4E) li tinsab f’Barċellona, fi Spanja. L-F4E hija impriża konġunta stabbilita skont il-Kapitolu 5 tat-Trattat Euratom. Skont l-Istatuti tagħha, l-F4E għandha l-proċedura ta’ kwittanza baġitarja proprja tagħha mill-Parlament Ewropew, wara rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-UE. Fl-2015, ġie adottat regolament finanzjarju ġdid tal-F4E; ir-responsabbiltà għas-superviżjoni tal-ITER, u għalhekk tal-F4E, ġiet trasferita mid-DĠ RTD għad-DĠ ENER.

2.4.

Minbarra l-kostruzzjoni tal-ITER, appoġġ xjentifiku profond u wiesa’ għar-riċerka dwar il-fużjoni huwa mogħti mill-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ (2), li jikkomplementa l-programm ġenerali ta’ riċerka “Orizzont Ewropa” (3). Minbarra l-attivitajiet klassiċi ta’ riċerka nukleari, dan il-programm ikopri l-attivitajiet ta’ riċerka fundamentali dwar l-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni skont il-Pjan Direzzjonali għar-Riċerka dwar il-Fużjoni, li jiddeskrivi perkors ottimizzat li jgħaddi mill-ITER u impjant Dimostrattiv tal-Elettriku (DEMO) għall-użu kummerċjali tal-impjanti ta’ fużjoni. Il-Pjan Direzzjonali għar-Riċerka dwar il-Fużjoni mhux biss jiddeskrivi l-faċilitajiet ewlenin li huma meħtieġa, iżda wkoll ir-riċerka li għandha titwettaq b’appoġġ għall-ITER u d-DEMO.

2.5.

Il-Pjan Direzzjonali għar-Riċerka dwar il-Fużjoni ġie żviluppat mill-EUROfusion, li huwa responsabbli sabiex jikkoordina l-attivitajiet Ewropej ta’ riċerka dwar il-fużjoni. Dan il-konsorzju jlaqqa’ flimkien 30 Istitut Nazzjonali tar-Riċerka u madwar 150 Università minn 26 pajjiż tal-UE flimkien mal-Iżvizzera u l-Ukrajna. Il-Kwartieri Ġenerali tal-EUROfusion jinsab f’Garching, fil-Ġermanja, filwaqt li l-esperiment emblematiku tal-Joint European Torus (JET) jinsab f’Culham, fir-Renju Unit.

3.   Kontenut essenzjali tal-proposta

3.1.

Il-proposta (4) tindirizza l-isfidi ewlenin biex il-QFP li jmiss isostni l-momentum pożittiv fil-proġett, jiżgura l-progress kostanti tal-kostruzzjoni u l-assemblaġġ, u jżomm l-impenn tal-Partijiet kollha tal-ITER. Biex jintlaħqu dawn l-isfidi se tkun meħtieġa tmexxija sostnuta tal-proġett mill-UE, li trid tkun appoġġjata minn prestazzjoni eċċellenti tal-F4E u konformità sħiħa tal-UE bis-sehem tagħha ta’ obbligi ta’ finanzjament u kontribuzzjonijiet in natura.

3.2.

Ir-riżorsi meħtieġa mill-Euratom sabiex jippermettu t-tlestija b’suċċess tal-faċilità u l-bidu tal-fażi ta’ tħaddim/sperimentali huma dettaljati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-Kontribuzzjoni tal-UE lejn il-Proġett ITER Riformat” li ġiet adottata mill-Kummissjoni f’Ġunju 2017.

3.3.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jistabbilixxu l-livell massimu tal-impenji tal-Euratom għall-ITER fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2021-2027 għal EUR 6 070 000 000 (bil-valuri attwali). Din hija meqjusa bħala l-massa kritika ta’ finanzjament li hija meħtieġa biex l-azzjoni tal-UE relatata mal-ITER taħdem b’mod effettiv, li tikkorrespondi għal-linja bażi ġdida għall-kostruzzjoni tal-ITER. Il-baġit propost huwa bbażat fuq l-ewwel data teknikament realizzabbli għall-kostruzzjoni tal-ITER mingħajr kontinġenzi u għalhekk jassumi li r-riskji prinċipali kollha jistgħu jiġu mitigati.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jinnota li l-iżgurar tal-kompetittività u l-assigurazzjoni tal-provvisti enerġetiċi tagħna huwa ta’ interess primarju iżda huwa sostenibbli biss meta jiġi kombinat mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Għall-prosperità u l-benesseri futuri tagħna għalhekk huma kruċjali sorsi ta’ enerġija li huma ħielsa mill-karbonju u sostenibbli. Il-kisba ta’ enerġija nadifa hija prijorità għolja u għal dan il-għan, l-enerġija mill-fużjoni hija rikonoxxuta bħala soluzzjoni fit-tul potenzjali, bl-Ewropa fuq quddiem nett tal-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-fużjoni.

4.2.

Il-KESE jenfasizza li l-livell għoli ta’ investiment fit-tul meħtieġ sabiex jiġi żviluppat impjant tal-enerġija mill-fużjoni għadha tinvolvi xi riskju industrijali, iżda fil-każ ta’ suċċess, is-seħħ ta’ impjant tal-enerġija mill-fużjoni ikun fattur li jkun għadu kemm ġie introdott li jbiddel b’mod sinifikanti l-provvista eżistenti ta’ enerġija billi tiġi pprovduta innovazzjoni fixkiela. Il-fjuwil għall-fużjoni huwa abbundanti u kważi ineżawribbli: it-tritju jista’ jiġi prodott mil-litju, metall li jinstab kullimkien fil-qoxra tad-Dinja u fl-ilma baħar u d-dewterju jinstab fl-ilma naturali.

4.3.

Il-KESE jixtieq jirrimarka l-karatteristiċi ta’ sikurezza distinti tal-fużjoni meta mqabbla mal-fissjoni nukleari konvenzjonali. Impjant tal-enerġija mill-fużjoni huwa intrinsikament sigur: ftit grammi biss ta’ fjuwil jagħmlu l-plażma, li malajr tintefa f’każ ta’ funzjonament ħażin. Ir-reazzjonijiet tad-dewterju u t-tritju jerħu n-newtroni li jattivaw il-materjali tal-ħitan. Il-prodotti sekondarji radjuattivi li jirriżultaw għandhom ħajja qasira, għalhekk il-maġġoranza tal-materjali jistgħu jiġu riċiklati wara ċertu żmien ta’ diżintegrazzjoni u ma hija meħtieġa ebda ħażna ġdida ta’ skart nukleari.

4.4.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tenfasizza aktar l-importanza tal-ħtieġa ta’ kollegament tal-proġett ITER u r-riċerka Ewropea dwar il-fużjoni organizzata mill-EUROfusion. Minbarra l-kostruzzjoni, l-ITER jeħtieġ tħejjija bir-reqqa u programmi ta’ akkumpanjament. Fl-Ewropa, programm ikkoordinat li juża l-JET u apparati oħra, flimkien ma’ mmudellar u simulazzjonijiet, jgħin biex jiġu ttestjati u żviluppati x-xenarji operattivi tal-ITER, u tiġi proġettata u ottimizzata l-prestazzjoni tal-ITER u t-tfassil tad-DEMO. It-tħaddim tat-tokamak JET b’taħlita ta’ dewterju-tritju u b’ħajt qisu tal-ITER huwa fundamentali għat-tħejjija tat-tħaddim tal-ITER.

4.5.

Il-KESE jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-UE, kif jista’ jidher mis-suċċess tal-EUROfusion. Dan huwa l-programm ta’ riċerka fl-Ewropa li jinvolvi b’mod ċar l-akbar għadd ta’ Stati Membri (ħlief il-Lussemburgu u Malta) li jikkontribwixxu bi proġetti essenzjali, li flimkien jagħmlu lill-UE mexxejja dinjija f’dan il-qasam. L-investimenti u l-finanzjament tar-riċerka kienu għall-benefiċċju tal-industriji, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet.

4.6.

Il-KESE huwa konvint li r-riċerka Ewropea dwar il-fużjoni b’mod ġenerali u s-seħħ ta’ ITER b’mod partikolari jistgħu jservu bħala eżempju eċċellenti li juri s-setgħa ta’ proġetti Ewropej konġunti. Huwa importanti li r-riżultati miksuba permezz tal-finanzjament u l-isforzi konġunti fuq skala Ewropea jiġu mħabbra liċ-ċittadini. Dan ser iżid il-fiduċja tal-poplu fix-xjenza u r-riċerka, kif ukoll ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-Unjoni Ewropea biex tikseb għan imbiegħed u diffiċli li ma jkunx possibbli permezz tal-isforzi u l-finanzjament ta’ pajjiżi individwali u li ser ikollu riperkussjonijiet importanti fuq perjodu twil, mhux biss f’termini teknoloġiċi u industrijali, iżda wkoll fuq ir-riċerka, l-industrija u l-SMEs, b’impatt sinifikanti fuq l-ekonomija u l-ħolqien tal-impjiegi, anke fuq perjodu qasir u medju.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-Pjan Direzzjonali Ewropew il-ġdid għar-realizzazzjoni tal-enerġija mill-fużjoni jipprovdi triq definita tajjeb għall-ewwel impjant tal-enerġija mill-fużjoni bbażata fuq involviment industrijali intensifikat, l-edukazzjoni ta’ xjenzati u inġiniera tal-fużjoni madwar l-Ewropa kollha u kollaborazzjoni b’saħħitha barra mill-Ewropa. Il-pjan direzzjonali jkopri l-perjodu ta’ terminu qasir sakemm l-ITER jibda jopera (2025), it-terminu medju sakemm l-ITER ikun qiegħed jopera b’mod regolari bi prestazzjoni għolja (2035) u t-terminu twil lejn l-ewwel impjant tal-enerġija mill-fużjoni (DEMO), li jforni l-elettriku lill-grilja għall-ewwel darba.

5.2.

L-ITER huwa l-faċilità ewlenija tal-pjan direzzjonali billi huwa mistenni li jilħaq il-biċċa l-kbira tal-istadji importanti fit-triq lejn l-enerġija mill-fużjoni. Għalhekk, il-maġġoranza kbira tar-riżorsi proposti fuq terminu qasir għall-EUROfusion huma ddedikati għall-ITER u l-esperimenti li jakkumpanjawh, li wieħed minnhom huwa l-Joint European Torus (JET) f’Culham, l-Ingilterra. Il-KESE jirrikonoxxi li l-JET wera li l-bini u t-tħaddim ta’ infrastruttura kbira ta’ riċerka dwar il-fużjoni huwa effiċjenti u jimmassimizza l-benefiċċji xjentifiċi u industrijali.

5.3.

Il-KESE jappoġġa t-talba mill-organizzazzjoni ITER għal input prezzjuż mir-riżultati li għandhom jinkisbu dwar il-JET matul il-perjodu qabel l-ewwel plażma fl-ITER. Billi l-JET għandu kapaċitajiet uniċi peress li huwa l-uniku tokamak li kapaċi jaħdem bit-tritju, għandu l-ewwel materjali tal-ħitan tal-ITER u jipprovdi mmaniġġar sħiħ mill-bogħod, it-tħaddim tiegħu jista’ jikkontribwixxi għall-pjan ta’ riċerka tal-ITER bil-għan li jitnaqqsu r-riskji, jiġu ffrankati l-ispejjeż, u jinkiseb il-liċenzjar operattiv għall-ITER. Dan huwa partikolarment importanti minħabba li l-baġit għall-ITER propost mill-Kummissjoni huwa mingħajr kontinġenzi u għalhekk jassumi li r-riskji prinċipali kollha jistgħu jiġu mitigati.

5.4.

Il-KESE jifhem li l-ITER għandu kwistjonijiet importanti li jistgħu jiġu indirizzati biss fil-JET u għalhekk jissieħeb fit-tħassib dwar l-effetti tal-Brexit fuq il-kontinwazzjoni tal-JET. Sabiex jiġu minimizzati r-riskji fit-tħaddim tal-ITER u biex jiġi ottimizzat il-pjan ta’ riċerka tiegħu, il-KESE jqis li huwa importanti li l-JET ikompli jitħaddem (bħala faċilità tal-UE, jew bħala faċilità konġunta tal-UE u r-Renju Unit) fil-perjodu bejn l-2020 u l-ewwel tħaddim tal-ITER, billi ma hemmx soluzzjonijiet ta’ riżerva għat-telf tal-JET matul dan il-perjodu.

5.5.

Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi l-baġit għall-ITER, iżda ma jissemma xejn dwar l-adegwatezza tal-baġit meħtieġ għall-programm ta’ riċerka dwar il-fużjoni li jakkumpanja. Dan tal-aħħar huwa indirizzat fi proposta separata (5), madankollu, f’din il-proposta ma jissemma xejn dwar il-ħtiġijiet tal-ITER. Il-KESE jenfasizza li l-baġit riżervat għall-EUROfusion fil-perjodu 2021-2025 irid ikun kompatibbli mal-għanijiet tal-pjan direzzjonali tal-fużjoni, fejn il-ħidma għall-ITER hija essenzjali, filwaqt li hemm bżonn li jissaħħu l-attivitajiet ta’ tfassil tad-DEMO.

5.6.

Il-KESE huwa sodisfatt bir-rilevanza tal-investimenti fit-teknoloġija tal-fużjoni għall-industrija u l-SMEs. L-investiment tal-UE fil-kostruzzjoni tal-ITER iġib benefiċċji importanti għall-industrija Ewropea u l-komunità tar-riċerka tagħtihom l-opportunità li jinvolvu ruħhom fir-riċerka u l-iżvilupp, it-teknoloġija, id-disinn u x-xogħol ta’ manifattura avvanzati għall-komponenti tal-ITER. Il-ħolqien li jirriżulta ta’ għarfien ġdid u spin-offs jiġġenera tkabbir ekonomiku u jippromovi l-impjiegi. Fil-perjodu mill-2008 sal-2017, Fużjoni għall-Enerġija tat 839 kuntratt u għotjiet b’valur ta’ madwar EUR 3,8 biljun madwar l-Ewropa. Mill-anqas 500 kumpanija li jinkludu SMEs, u aktar minn 70 organizzazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp, minn madwar 20 Stat Membru differenti tal-UE u l-Iżvizzera bbenefikaw mill-investiment fl-attivitajiet tal-ITER. Barra minn hekk, il-partijiet tal-ITER li mhumiex fl-UE ffirmaw ukoll kuntratti mal-industrija Ewropea biex jappoġġjaw il-manifattura tal-komponenti proprji tagħhom għall-ITER, li jġib impjiegi ġodda u tkabbir addizzjonali għall-kumpaniji Ewropej.

5.7.

Il-KESE jieħu nota tal-informazzjoni komprensiva pprovduta mill-Kummissjoni (6), li tiżvela li l-akbar kontributur għall-impatt nett mill-investimenti fl-ITER huwa l-iżvilupp ta’ spin-offs u t-trasferimenti tat-teknoloġija. It-teknoloġiji żviluppati għall-ITER joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ negozju f’setturi oħra, minħabba li l-ħidma fuq l-ITER iżżid il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej fl-ekonomija globali, hija tipprovdi opportunità għall-kumpaniji tradizzjonali biex jidħlu fis-suq tat-teknoloġija avvanzata u toffri wkoll lill-industriji u lill-SMEs Ewropej tat-teknoloġija avvanzata opportunità unika sabiex jinnovaw u jiżviluppaw prodotti għal sfruttament barra l-fużjoni.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 302, 7.12.2004, p. 27; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 127; ĠU C 229, 31.7.2012, p. 60.

(2)  L-Opinjoni TEN/678 Il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ 2021-2025 (Euratom), Relatur: Giulia Barbucci (ara paġna 132 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  L-Opinjoni INT/858 Orizzont Ewropa, Relatur: Lobo Xavier (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 33).

(4)  COM(2018) 445 final.

(5)  COM (2018) 437 final u l-Opinjoni TEN/678, Relatur: Giulia Barbucci (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).

(6)  “Study on the impact of the ITER project activities in the EU” (Studju dwar l-impatt tal-attivitajiet tal-proġett ITER fl-UE), (2018), ENER/D4/2017-458, Trinomics (Rotterdam) u Cambridge Econometrics


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/141


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm ta’ assistenza għad-dekummissjonar nukleari tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja (il-programm Ignalina), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1369/2013” u

(COM(2018) 466 final — 2018/0251 (NLE))

“Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi programm finanzjarju speċifiku għad-dekummissjonar tal-faċilitajiet nukleari u l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1368/2013” u

(COM(2018) 467 final — 2018/0252 (NLE))

“Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ għajnuna tal-UE għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija, fis-Slovakkja u fil-Litwanja”

(COM(2018) 468 final)

(2019/C 110/26)

Relatur:

Rudy DE LEEUW

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 12.7.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni Kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

20.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni tal-plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

177/8/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni u jenfasizza s-suġġerimenti għall-appoġġ futur li tressqu fl-Opinjoni.

1.2.

Il-KESE mhux qed jipproponi li tkun emendata l-proposta, iżda minflok jappella għal monitoraġġ aktar strett tal-attivitajiet fl-oqsma li tqajmu fl-Opinjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

approċċ orjentat lejn l-iżvilupp sostenibbli fl-għażla tas-sorsi tal-enerġija;

kunsiderazzjoni xierqa, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni speċifika fil-Litwanja, iżda wkoll f’pajjiżi oħrajn kkonċernati fir-rigward tal-aspetti soċjoekonomiċi;

it-tixrid, fl-UE kollha, tal-għarfien miksub fil-qasam taż-żarmar u dwar il-kwistjoni tat-taħriġ tal-ħaddiema;

il-ġestjoni sikura u sostenibbli tal-iskart nukleari ġġenerat;

it-tisħiħ tal-indikaturi ta’ prestazzjoni bl-inklużjoni tal-prestazzjoni b’rabta mal-protezzjoni tal-ħaddiema mir-radjazzjoni.

1.3.

Minbarra l-esperti u l-awtoritajiet, is-soċjetà ċivili għandha tiġi mħeġġa u megħjuna biex tinvolvi ruħha fil-monitoraġġ ta’ dawn l-attivitajiet.

1.4.

Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tevalwa s-sitwazzjoni ddeterminata minn tmiem il-ħajja ta’ diversi impjanti tal-enerġija nukleari fl-UE u tippreżenta rapport bi proposti sabiex jiġu minimizzati l-ispejjeż u r-riskji tad-dekummissjonar tar-reatturi u l-istokkjar tal-iskart radjuattiv. Ir-rapport għandu jqis ukoll l-effetti tat-tnaqqis konsiderevoli fl-UE tal-kapaċità li jiġi proċessat mill-ġdid il-karburant u l-iskart nukleari minħabba Brexit, u għall-kuntrarju, il-kapaċità żejda ta’ proċessar mill-ġdid fir-Renju Unit.

2.   Il-kontenut essenzjali tal-proposti

2.1.

Il-Kummissjoni tipproponi li tkompli, matul il-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju pluriennali ta’ wara l-2020 (QFP 2021–2027), il-programmi ta’ finanzjament għal assistenza finanzjarja għad-“Dekummissjonar tal-Faċilitajiet Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart Radjuattiv” għall-Bulgarija (Kozloduy 1–4), is-Slovakkja (Bohunice Vl 1–2) u l-Litwanja (Ignalina 1–2) għall-parti l-oħra.

2.2.

Dawn il-proposti jġibu magħhom żewġ modifiki.

Aktar flessibbiltà baġitarja kif iddikjarata: “… Tista’ tinkiseb flessibbiltà baġitarja addizzjonali billi jerġgħu jiġu distribwiti l-fondi fost l-azzjonijiet fejn u meta meħtieġ skont il-progress tal-azzjonijiet.” Din tqis il-livell varjabbli u ta’ spiss imprevedibbli tal-infiq f’sena partikolari.

Is-sħubija mal-programm ta’ dekommissjonar ta’ installazzjonijiet nukleari tal-JRC fil-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju u n-Netherlands.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1.

Aħna ninnotaw b’sodisfazzjon, li ladarba ntlaħaq wieħed mill-għanijiet tal-programm (biex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet u jiġi żgurat d-dekummissjonar sikur tal-faċilità), l-istadju li jmiss se tiffoka fuq attivitajiet ta’ dekummissjonar li jinvolvu sfidi ta’ sikurezza radjoloġika. Dawn l-attivitajiet għandhom jiġu vvalutati wkoll abbażi ta’ approċċ orjentat lejn taħlita enerġetika sostenibbli f’konformità mal-ftehimiet internazzjonali li l-UE hija parti minnhom (il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, l-impenn tal-UE għal ekonomija dekarbonizzata, eċċ.).

3.2.

Ir-rapport dwar l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ għajnuna tal-UE għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija, is-Slovakkja u l-Litwanja (“ir-rapport” minn hawn ’il quddiem) jikkonferma li huwa finanzjarjament fattibbli li jitkomplew dawn il-programmi. Il-KESE jinnota li l-istimi baġitarji tal-QFP ta’ wara l-2020 għat-tkomplija u l-iffinalizzar tal-programmi ta’ Kozloduy u Bohunice jikkorrispondu għal inqas minn kwart tal-istimi tal-QFP għall-2014-2020 (jiġifieri EUR 63 miljun għal Kozloduy u EUR 55 miljun għal Bohunice) u se jiżguraw li jintlaħaq l-istat aħħari miftiehem tad-dekummissjonar. L-istima tal-baġit għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta’ wara l-2020 hija ta’ EUR 522 miljun, li tisboq il-QFP 2014-2020.

3.3.

Il-KESE jenfasizza li għad hemm tħassib dwar il-Litwanja. Il-Kumitat jinnota li l-baġit stabbilit mill-Kummissjoni jkopri biss 70 % tal-ħtiġijiet għal dan il-perjodu, u għalhekk iqis li din il-proposta la turi solidarjetà u lanqas tipprovdi assistenza finanzjarja suffiċjenti għal proġett li huwa wkoll importanti għall-pajjiżi ġirien. Iż-żarmar b’suċċess tal-impjant ta’ Ignalina huwa l-akbar sfida sinifikanti f’termini ta’ sikurezza nukleari fl-Unjoni Ewropea u għandu jiġi indirizzat b’tali mod li jkun garantit tnaqqis tar-riskju għaċ-ċittadini tal-UE.

3.4.

Aħna napprezzaw l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jinżdiedu xi installazzjonijiet tal-JRC għall-programm għall-Bulgarija u s-Slovakkja. L-istima tal-baġit għaż-żarmar tal-impjanti nukleari tal-JRC tammonta għal EUR 348 miljun. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tar-rwol eżemplari li trid taqdi l-UE fil-ġestjoni tal-operazzjonijiet tal-JRC tagħha stess, peress li hija kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni (JRC) bħala detentur tal-liċenzja. Skont it-Trattat tal-Euratom, il-JRC għandu jamministra l-obbligi nukleari storiċi tiegħu u għandu jiddekummissjona l-istallazzjonijiet nukleari tiegħu li ngħalqu. Il-programm għandu potenzjal kbir biex joħloq u jikkondividi l-għarfien. B’dan il-mod huwa jgħin lill-Istati Membri tal-UE jżarmaw l-installazzjonijiet tagħhom stess.

3.5.

Fir-rigward tal-għarfien, il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li jitkejlu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali taż-żarmar, pereżempju fuq is-suq tax-xogħol, l-indikaturi tas-saħħa u l-iżvilupp strutturali ta’ reġjuni ta’ Stati Membri. Huwa essenzjali li tinħataf l-opportunità li l-attivitajiet ta’ żarmar jippreżentaw għall-għoti ta’ taħriġ teoretiku u prattiku addizzjonali għal forzi tax-xogħol lokali f’oqsma li huma kritiċi għall-futur. Dan it-taħriġ ma jistax jiġi eskluż mill-finanzjament.

3.6.

Il-KESE, fi ħdan is-sejħa għal monitoraġġ aktar mill-qrib, jirrakkomanda li r-riżorsi finanzjarji fi ħdan il-programm għandhom jiġu allokati biex tiġi żgurata parteċipazzjoni xierqa tal-organizzazzjonijiet lokali u nazzjonali interessati tas-soċjetà ċivili bil-għan li jiġi żgurat monitoraġġ pubbliku indipendenti, kredibbli u permanenti tal-attivitajiet implimentati taħt din l-assistenza finanzjarja.

3.7.

Il-Kumitat jinnota b’sodisfazzjon li s-Slovakkja, il-Bulgarija u l-Litwanja għamlu progress sinifikanti fil-proċess tad-dekummissjonar tar-reatturi tagħhom fiż-żmien miftiehem. Madankollu, l-Kumitat jinnota li se jkun hemm xi sfidi fil-futur qrib: iż-żarmar tal-qalba tar-reatturi u operazzjonijiet oħra li jinsabu fil-bini tar-reatturi. Ir-rapport jgħid ftit dwar restrizzjonijiet tal-ġestjoni tal-iskart nukleari, b’mod partikolari għall-karbonju, u reatturi qodma fi Franza u r-Renju Unit. Il-KESE jissuġġerixxi li r-rapport jeżamina aktar il-kwistjoni tal-ġestjoni tal-iskart nukleari, li hija kwistjoni importanti ħafna fit-tul.

3.8.

Il-Kumitat jinnota wkoll il-prattika tajba, speċifikament fuq is-sit ta’ Ignalina, ta’ għajnuna lill-eks ħaddiema tal-impjanti tal-enerġija nukleari preċedenti biex isibu impjiegi lokalment — mhux biss sforz ta’valur soċjali ħilithom, iżda wkoll jiffaċilita l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet speċifiċi relatati mad-dekummissjonar u trasferiment tal-għarfien. Il-Kumitat iqis li dan huwa mod interessanti biex jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet tan-nies. Barra minn hekk, dan l-approċċ jista’ jsir flimkien ma’ miżuri li għandhom l-għan li jħarrġu lill-ħaddiema. L-istituzzjonijiet tar-riċerka għandhom jiġu mħeġġa jipparteċipaw b’mod attiv fi proġetti bħal dawn, li għandhom jirċievu appoġġ finanzjarju xieraq.

3.9.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-programmi huwa konformi mal-politika tal-UE dwar is-sikurezza miġbura fi tliet direttivi:

1.

id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom (1) li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv;

2.

id-Direttiva tal-Kunsill 2014/87/Euratom (2) li temenda d-Direttiva 2009/71/Euratom (3) li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari;

3.

id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom (4) li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti.

3.10.

Iżda, għal raġunijiet storiċi, huma parzjalment jidderogaw rigward ir-responsabbiltà aħħarija tal-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm riżorsi finanzjarji adegwati għad-dekummissjonar nukleari u l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. Il-Kumitat diġà qabel ma’ din il-pożizzjoni għal raġunijiet ta’ solidarjetà.

3.11.

Barra minn hekk, sikurezza nukleari akbar hija ta’ interess kruċjali, mhux biss fil-livell reġjonali jew nazzjonali, iżda wkoll fil-livell Ewropew u anke dak dinji. Għalhekk, sforz komuni għall-ġestjoni sigura tal-problemi teknoloġiċi assoċjati maż-żarmar nukleari u l-kisba tal-għarfien fil-qasam mhuwiex importanti biss għar-reġjuni jew l-Istati Membri kkonċernati, iżda wkoll għall-Unjoni Ewropea kollha. Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-parteċipanti tal-programmi minn naħa, u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra.

3.12.

Il-Kumitat jinnota b’sodisfazzjon li l-programm għamilha possibbli li jiġu żviluppati għodod ġodda effettivi ħafna biex jitnaqqas il-volum tal-iskart. Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex tieħu approċċ proattiv biex tgħin biex jixtered l-għarfien dwar dan is-suġġett.

3.13.

Aħna nirrikonoxxu ir-rilevanza tal-indikaturi ewlenin ta’ prestazzjoni użati biex jimmonitorjaw il-progress ta’ dekummissjonar u l-ispejjeż finanzjarji tagħha. Il-KESE jenfasizza l-benefiċċju ta’ monitoraġġ bir-reqqa u implimentazzjoni effiċjenti tar-rekwiżiti tal-programm. Il-KESE jenfasizza li l-attivitajiet iffinanzjati mill-UE għandhom jippromovu impjiegi ta’ kwalità għolja, skont l-ogħla livelli ta’ sikurezza u protezzjoni mir-radjazzjoni, f’konformità mad-Direttivi rilevanti Ewropej imsemmijin hawn fuq.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi

4.1.

Skont dawn il-konsiderazzjonijiet, il-Kumitat iqis li għandu jkun possibbli li tinkiseb stampa aktar konkreta tal-istat ta’ protezzjoni radjoloġika operazzjonali fuq kull sit inkwistjoni, kif ukoll l-istrateġija ALARA (“As Low As Reasonably Achievable”) (“L-Aktar Baxx Raġjonevolment Possibbli”). Naturalment hija r-responsabbiltà esklussiva tal-Istat Membru kkonċernat biex jiżgura li dan hu l-każ, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra r-riskji minn espożizzjoni għal radjazzjoni jonizzanti. Iż-żamma ta’ doża ta’radjazzjoni li għaliha jistgħu jkunu esposti l-ħaddiema fil-medda ta’ valur ottimizzat tad-doża effettiva huwa indikatur sintomatiku, li jikkorrispondi għal wieħed mill-għanijiet tal-programmi sabiex ikun hemm iffukar fuq is-sikurezza radjoloġika. Din id-data għandha tkun disponibbli fir-reġistru tal-awtoritajiet radjoloġiċi u tas-sikurezza tal-Istati Membri kkonċernati.

4.2.

Tħassib ieħor huwa r-rimi finali tal-iskart radjuattiv. B’mod ċar din hija r-responsabbiltà esklussiva tal-Istat Membru. Madankollu, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tappoġġja mhux biss il-kondiviżjoni tal-għarfien, iżda wkoll kooperazzjoni dinamika bejn l-Istati Membri, fejn ikun legalment possibbli. Dan se jgħin biex jintlaħaq livell għoli ta’ sikurezza fi ħdan il-parametri ekonomiċi raġonevoli.

4.3.

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet tas-sikurezza lokali jidher li huwa punt li fuqu ftit informazzjoni hija mogħtija. Madankollu, xi problemi, identifikati fil-proposta għal Regolament Tal-Kunsill li jistabbilixxi programm finanzjarju speċifiku għad-dekummissjonar tal-faċilitajiet nukleari u l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1368/2013, jirrikjedu aktar attenzjoni, speċjalment meta “il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni twal mill-awtoritajiet nazzjonali … jagħmluha aktar diffiċli biex il-programm ikun ġestit …”. Il-Kummissjoni għandha diversi għodod biex issaħħaħ din il-kooperazzjoni, inkluż il-grupp ENSREG.

4.4.

Il-Kumitat josserva li diversi impjanti nukleari fl-Unjoni Ewropea laħqu jew waslu biex jilħqu tmiem ħajjithom u se jkunu jeħtieġu li jiġu dekummissjonati. Din hija r-responsabbiltà esklużiva tal-Istat Membru, madankollu, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta s-sitwazzjoni u tressaq rapport bi proposti biex ikunu minimizzati l-ispejjeż u r-riskji tad-dekummissjonar tar-reatturi kif ukoll l-istokkjar tal-iskart radjuattiv. Ir-rapport għandu jagħti importanza wkoll lill-effetti tat-tnaqqis sostanzjali fi ħdan l-UE tal-kapaċità li jiġu pproċessati mill-ġdid il-karburant u l-iskart nukleari minħabba l-Brexit u, għall-kuntrarju, fir-Renju Unit, il-kapaċità żejda tal-ipproċessar mill-ġdid.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48.

(2)  ĠU L 219, 25.7.2014, p. 42.

(3)  ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18.

(4)  ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1.


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/145


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-“Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment”

(COM(2017) 493 final)

(2019/C 110/27)

Relatur:

Philippe DE BUCK

Korelatur:

Tanja BUZEK

Konsultazzjoni

13.12.2017 (Kummissjoni Ewropea)

Bażi legali

L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

REX

Adottata fis-sezzjoni

23.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat

(favur/kontra/astensjonijiet)

206/3/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrikonoxxi bis-sħiħ li s-soluzzjoni tat-tilwim bejn investituri u stati (ISDS) fit-trattati kummerċjali u tal-investiment issa saret dejjem aktar kontroversjali għal għadd ta’ partijiet interessati minħabba kwistjonijiet ta’ leġittimità, konsistenza u trasparenza. Din il-kritika tinkludi, iżda mhix limitata għal kunsiderazzjonijiet proċedurali u sostantivi.

1.2.

Il-KESE pparteċipa b’mod attiv matul id-dibattitu dwar ir-riforma u l-immodernizzar tal-protezzjoni tal-investiment. Huwa adotta l-Opinjonijiet REX/464 u REX/411, u t-tnejn li huma qajmu diversi punti ta’ tħassib u taw rakkomandazzjonijiet.

1.3.

Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni għal riforma multilaterali tas-sistema tal-ISDS taħt l-awspiċi tal-UNICITRAL, u jqis li huwa kruċjali li l-UE tibqa’ miftuħa għall-approċċi u l-ideat kollha li tfaċċaw b’rabta mar-riforma tal-ISDS.

1.4.

Il-KESE jilqa’ b’mod partikolari l-impenn akbar favur it-trasparenza, u li organizzazzjonijiet mhux governattivi jitħallew jissorveljaw u anke jieħdu sehem fid-diskussjonijiet.

1.5.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-Grupp ta’ Ħidma III tal-UNCITRAL jilqa’ l-kontribut tal-partijiet interessati rilevanti kollha fi sforz biex tiżdied l-inklużività, u jappella għal sejħa aħjar u aktar bilanċjata għall-partijiet interessati. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tagħmel l-almu tagħha biex tinvolvi lill-KESE b’mod attiv fil-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma III.

1.6.

Il-KESE dejjem irrikonoxxa li l-investiment dirett barrani (IDB) huwa kontributur importanti għat-tkabbir ekonomiku u li l-investituri barranin għandu jkollhom protezzjoni globali kontra l-esproprjazzjoni diretta, ikunu ħielsa mid-diskriminazzjoni u jgawdu drittijiet ekwivalenti bħall-investituri domestiċi.

1.7.

Madankollu, bl-istess mod, il-KESE dejjem enfasizza li d-dritt tal-Istati li jirregolaw fl-interess pubbliku m’għandux jiddgħajjef.

1.8.

Fil-kuntest li tiġi stabbilita Qorti Multilaterali tal-Investiment (MIC), il-KESE jenfasizza li għadd ta’ kwistjonijiet fundamentali jridu jiġu indirizzati: il-kamp ta’ applikazzjoni, il-protezzjoni tal-interess pubbliku, l-aċċessibbiltà u r-relazzjonijiet ma’ qrati domestiċi.

1.9.

Il-kamp ta’ applikazzjoni: Għalkemm il-KESE jemmen li approċċ aktar olistiku, li jkopri tħassib dwar l-aspetti kemm sostantivi kif ukoll proċedurali tal-protezzjoni tal-investiment, il-KESE jinnota li l-kamp ta’ applikazzjoni kif ingħata mandat għalih kien limitat għall-aspetti proċedurali tas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-istati.

1.10.

L-interess pubbliku: il-KESE jikkunsidra li huwa kruċjali li l-MIC bl-ebda mod ma taffettwa l-abbiltà tal-UE u Istati Membri li jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt ftehimiet internazzjonali ambjentali, tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol kif ukoll protezzjoni tal-konsumaturi, kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi biex ikollhom salvagwardji proċedurali kontra talbiet li fil-mira tagħhom ikollhom leġislazzjoni ta’ interess pubbliku. Għaldaqstant, il-KESE huwa tal-opinjoni li dan jista’ jinkiseb b’mod suffiċjenti biss bl-inklużjoni ta’ klawżola ta’ ġerarkija u b’konċessjoni ta’ interess pubbliku.

1.11.

Drittijiet u kontrotalbiet ta’ partijiet terzi: Filwaqt li l-KESE jikkunsidra li meta jiġu permessi li jsiru sottomissjonijiet amicus curiae bħala l-ewwel pass ikun jeħtieġ jiġi żgurat li essenzjalment l-imħallfin jikkunsidrawhom b’mod adatt, huwa jilqa’ bi pjaċir l-inklużjoni fil-mandat tal-possibbiltà ta’ interventi minn partijiet terzi u jirrakkomanda li jiġi investigat ir-rwol ta’ partijiet terzi li jistgħu jkunu residenti lokali, ħaddiema, junjins, gruppi ambjentali jew konsumaturi.

1.12.

Relazzjonijiet ma’ qrati domestiċi: Il-KESE jqis li l-MIC m’għandha fl-ebda ċirkostanza taffettwa ħażin is-sistema ġudizzjarja tal-UE jew l-awtonomija tal-liġi tal-UE. Il-KESE jinnota li l-kwistjoni tar-relazzjoni bejn il-qrati domestiċi u l-Qorti Multilaterali tal-Investiment titqies b’mod differenti minn partijiet interessati differenti, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinvestiga aktar il-kwistjoni tal-eżawriment ta’ rimedji lokali u kif dan jista’ jaħdem fil-kuntest tal-MIC.

1.13.

L-indipendenza u l-leġittimità tal-imħallfin: Il-ħatra ta’ mħallfin fuq bażi permanenti hija kkunsidrata bħala fattur ewlieni sabiex tibda tinbena l-ġurisprudenza, u b’hekk tittejjeb il-prevedibbiltà, filwaqt li l-kwalifiki tagħhom jitolbu għarfien espert dimostrabbli f’firxa wiesgħa tal-liġi. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenji biex jiġu ffissati kriterji ċari u ta’ livell għoli biex jiżguraw l-istat tad-dritt u l-fiduċja tal-pubbliku, u jappella biex il-proċess tal-għażla jkun trasparenti u soġġett għall-prinċipji tal-iskrutinju pubbliku.

1.14.

Sistema effettiva: Filwaqt li segretarjat għandu jkun inkarigat bl-amministrazzjoni effettiva tal-MIC, jeħtieġ ikun iggarantit li jiġu allokati riżorsi suffiċjenti għall-funzjonament tiegħu, u l-ispejjeż amministrattivi għandhom ikunu koperti mill-Partijiet fuq bażi ekwa waqt li jitqiesu kriterji differenti. L-SMEs jeħtieġ li jgawdu mill-istess livell ta’ protezzjoni u aċċess għas-soluzzjoni ta’ tilwim b’kundizzjonijiet u spejjeż raġonevoli, u l-ispejjeż u d-deċiżjonijiet kollha tal-MIC għandhom ikunu infurzabbli u jsiru pubbliċi.

1.15.

Livell għoli ta’ protezzjoni u perjodu ta’ tranżizzjoni potenzjali: Huwa importanti li wieħed jinnota li l-ebda wieħed mill-ftehimiet iffirmati mill-UE jew mill-Istati Membri tal-UE mhu se jitpoġġa awtomatikament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti, u li matul perjodu ta’ tranżizzjoni l-proċeduri miftiehma għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom ikomplu japplikaw sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ta’ livell għoli tal-investimenti, fid-dawl tal-kostituzzjonalità u l-vijabbiltà tagħha skont id-dritt tal-Unjoni.

2.   Kuntest

2.1.

Żviluppata minn aktar minn 3 200 trattat sa mis-snin sebgħin, is-sistema ta’ protezzjoni tal-investiment tinkludi klawżoli sostantivi ta’ protezzjoni tal-investiment u l-klawżoli ta’ proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwim li jipprevedu mekkaniżmu fejn investituri barranin jistgħu jressqu lmenti kontra stati ospitanti (ISDS – soluzzjoni ta’ tilwim bejn investituri u stati) skont dispożizzjonijiet legali previsti fit-trattati.

2.2.

Il-KESE jinnota pubblikazzjoni riċenti fil-qafas tad-Dokumenti ta’ Ħidma tal-OECD dwar l-Investiment Internazzjonali, mill-analista tal-politiki Joachim Pohl, bit-titolu “Societal benefits and costs of international investment agreements – a critical review of aspects and available empirical evidence” [Benefiċċji u spejjeż għas-soċjetà tal-ftehimiet ta’ investiment internazzjonali – ħarsa kritika lejn l-aspetti u l-evidenza empirika disponibbli] (1).

2.3.

Fis-snin riċenti, ir-riforma tal-ISDS kienet ċentrali fid-dibattitu marbut mal-politika tal-investiment tal-UE bis-sistema ta’ protezzjoni tal-investiment tattira dejjem aktar kontroversja fir-rigward ta’ dubji dwar il-leġittimità, il-konsistenza u t-trasparenza minn numru ta’ partijiet interessati. Din il-kritika tinkludi, iżda mhix limitata għal kunsiderazzjonijiet proċedurali u sostantivi.

2.4.

Dan it-tħassib ġie espress b’mod partikolari waqt żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi organizzati mill-Kummissjoni Ewropea – l-ewwel matul in-negozjati għas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) (2) fl-2014, u t-tieni fil-qafas tal-isforzi ta’ riforma multilaterali rigward is-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment (3) fl-2017.

2.5.

Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2015 dwar it-TTIP talab lill-Kummissjoni sabiex tissostitwixxi s-sistema tal-ISDS b’sistema ġdida għas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn investituri u stati, li tkun soġġetta għall-prinċipji u l-iskrutinju demokratiċi, fejn il-każi potenzjali jiġu trattati b’mod trasparenti minn imħallfin professjonali indipendenti u maħtura pubblikament f’seduti pubbliċi u li jinkludi mekkaniżmu ta’ appell, fejn il-konsistenza tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tkun żgurata, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-UE u tal-Istati Membri tiġi rispettata u fejn l-interessi privati ma jkunux jistgħu jdgħajfu l-objettivi tal-politika pubblika (4).

Żvilupp fuq livell tal-UE

2.6.

Bi tweġiba għal dawk li jikkritikaw is-sistema tal-ISDS attwali u għall-pressjoni mis-soċjetà ċivili dwar il-ħtieġa li din tiġi riformata, il-Kummissjoni pproponiet is-Sistema ta’ Qorti tal-Investiment (ICS), sistema ta’ soluzzjoni ta’ tilwim bejn investituri u stati, u inkluża fil-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn l-UE u l-Kanada u fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u Singapore u bejn l-UE u l-Vjetnam.

2.7.

F’dan il-kuntest, fis-CETA dispożizzjoni speċifika hija prevista fl-Artikolu 8.29, li titlob lill-Partijiet sabiex jikkunsidraw il-possibbiltà li jistabbilixxu Qorti Multilaterali tal-Investiment (MIC) fil-futur: “il-Partijiet għandhom jimmiraw li ma’ msieħba kummerċjali oħrajn jistabbilixxu tribunal multilaterali tal-investiment u mekkaniżmu tal-appell għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment. Hekk kif jitwaqqaf tali mekkaniżmu multilaterali, il-Kumitat Konġunt tas-CETA għandu jadotta deċiżjoni li tipprevedi li tilwim dwar l-investiment taħt din it-Taqsima għandu jiġi deċiż skont il-mekkaniżmu multilaterali u jagħmel arranġamenti ta’ tranżizzjoni xierqa”.

2.8.

Madankollu, għadu ma ġie rratifikat l-ebda wieħed mill-ftehimiet imsemmija hawn fuq, u hemm ukoll kawża relatata mal-ICS inkluża fis-CETA li hija pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (5). Mhux se tintlaħaq deċiżjoni għal diversi xhur.

2.9.

Il-KESE jinnota li ma ġie inkluż l-ebda kapitolu dwar il-protezzjoni tal-investiment fil-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun, minħabba l-fatt li l-Ġappun ma setax jaċċetta l-proposta tal-UE dwar l-ICS.

L-involviment tal-KESE

2.10.

Matul dan il-proċess, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ipparteċipa b’mod attiv fid-dibattitu marbut mal-immodernizzar u r-riforma tal-protezzjoni tal-investiment, u b’mod partikolari s-sistema tal-ISDS, anke billi organizza żewġ seduti pubbliċi f’Ġunju 2016 (6) u l-aktar riċenti fi Frar 2018 (7). F’dan il-kuntest, il-KESE adotta l-Opinjoni REX/464 dwar “Il-pożizzjoni tal-KESE dwar kwistjonijiet speċifiċi ewlenin fin-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP)” (8) kif ukoll l-Opinjoni REX/411 dwar “Il-protezzjoni tal-investituri u s-soluzzjoni tat-tilwim bejn investituri u stati fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment bejn l-UE u pajjiżi terzi” (9).

2.11.

Il-KESE rrikonoxxa li l-investiment dirett barrani (IDB) huwa kontributur importanti għat-tkabbir ekonomiku u l-investituri barranin għandu jkollhom protezzjoni globali kontra l-esproprjazzjoni diretta, ikunu ħielsa mid-diskriminazzjoni u jgawdu drittijiet ekwivalenti bħall-investituri domestiċi.

2.12.

Fl-istess waqt il-KESE enfasizza li d-dritt ta’ stat li jirregola fl-interess pubbliku huwa ta’ importanza kbira u ma għandux ikun imdgħajjef mid-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe Ftehim Internazzjonali ta’ Investiment (IIA). Hija essenzjal klawżola mingħajr ambigwità li tafferma dan id-dritt b’mod orizzontali.

2.13.

Bħala konklużjoni, il-KESE qies li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-ICS kienet pass fid-direzzjoni t-tajba iżda għandha tittejjeb aktar f’numru ta’ oqsma sabiex tiffunzjona bħala korp ġudizzjarju internazzjonali indipendenti. Barra minn dan, il-KESE innota li xi partijiet interessati jqajmu dubji dwar il-ħtieġa għal sistema separata ta’ arbitraġġ dwar l-investiment f’sistemi legali domestiċi li jiffunzjonaw tajjeb u huma ferm żviluppati.

2.14.

Il-KESE qajjem diversi punti ta’ tħassib li jikkonċernaw b’mod iktar preċiż l-ISDS fl-Opinjoni tiegħu dwar “Il-protezzjoni tal-investituri u s-soluzzjoni tat-tilwim bejn investituri u stati fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment bejn l-UE u pajjiżi terzi” (10). Dan kien jinkludi: kunflitt ta’ interess u preġudizzju min-naħa tal-arbitri; stqarrijiet frivoli; in-natura tal-industrija tal-arbitraġġ; li wieħed jirrikorri għall-ISDS mingħajr ma jfittex mezzi ta’ rimedju oħrajn; l-użu mhux meħtieġ tal-ISDS bejn pajjiżi b’sistemi ġudizzjarji żviluppati; in-nuqqas ta’ kompatibbiltà potenzjali tal-ISDS mad-dritt tal-Unjoni; u n-nuqqas ta’ trasparenza tal-proċedimenti.

Livell Multilaterali

2.15.

Fl-istess ħin, għaddejjin ukoll diskussjonijiet dwar riforma tal-ISDS fuq livell multilaterali. Fl-10 ta’ Lulju 2017, wara talba formali minn bosta mill-membri tagħha, inklużi l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (11), il-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL) iddeċidiet li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Ħidma III mmexxi mill-gvern, awtorizzat b’mandat sabiex (1) jidentifika u jikkunsidra tħassib rigward l-ISDS; (2) jikkunsidra jekk kinitx mixtieqa riforma fid-dawl ta’ kwalunkwe tħassib identifikat; u (3) jekk il-Grupp ta’ Ħidma kellu jikkonkludi li kienet mixtieqa riforma, jiżviluppa kwalunkwe soluzzjoni rilevanti li għandha tiġi rakkomandata lill-Kummissjoni (12).

2.16.

Minn perspettiva aktar wiesgħa, il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) tikkontribwixxi wkoll għad-dibattitu attwali dwar ir-riforma tal-ISDS, billi toffri analiżi tar-reġim attwali tal-IIAs u rakkomandazzjonijiet għall-immodernizzar tal-IIAs. Dawn jinkludu l-promozzjoni ta’ interpretazzjonijiet konġunti tad-dispożizzjonijiet tat-trattati, l-emendar jew is-sostituzzjoni ta’ trattati skaduti, ir-referenzjar ta’ standards globali, il-kuntatti multilaterali u t-terminazzjoni jew l-irtirar multilaterali minn trattati qodma (13).

2.17.

Skont l-istatistika tal-UNCTAD, enfasizzata fis-seduta pubblika tal-KESE fi Frar 2018, 107 ftehimiet ta’ investiment li fihom l-ISDS ġew itterminati u ma ġewx sostitwiti fis-snin riċenti. Is-sena l-oħra kien hemm aktar ftehimiet ta’ investiment li ġew itterminati milli ġew konklużi (14). Il-KESE jinnota li xi pajjiżi bdew jikkunsidraw mill-ġdid l-approċċ tagħhom lejn l-ISDS.

2.18.

Apparti r-riforma fl-ISDS, il-KESE jixtieq jisħaq li diversi strumenti ta’ politika jistgħu jikkontribwixxu wkoll sabiex jiżguraw ambjent vijabbli għall-investimenti, inkluż:

tisħiħ tal-ġudikatura domestika;

provvista ta’ assigurazzjoni lill-investituri, bħal permezz tal-Aġenzija Multilaterali għall-Garanzija ta’ Investiment tal-Bank Dinji;

prevenzjoni tal-ilmenti;

aktar forom konċiljatorji ta’ soluzzjoni tat-tilwim, bħall-medjazzjoni;

promozzjoni tal-investiment; u

soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-istati.

2.19.

Fl-aħħar nett, il-KESE jieħu nota tar-Riżoluzzjoni 26/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tas-26 ta’ Ġunju 2014, li permezz tagħha ġie deċiż “li jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma intergovernattiv b’kompożizzjoni miftuħa dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, li l-mandat tiegħu għandu jkun it-tfassil ta’ strument internazzjonali legalment vinkolanti li jirregola, fil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet tal-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra” (15). L-hekk imsejjaħ trattat vinkolanti tan-NU, attwalment diskuss mill-Membri tan-NU, beħsiebu jikkodifika obbligi tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali għall-attivitajiet ta’ korporazzjonijiet transnazzjonali. Il-KESE josserva l-effetti potenzjali fil-kuntest ta’ trattati kummerċjali u ta’ investiment fil-futur.

Mandat tal-Kummissjoni

2.20.

Fit-13 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-rakkomandazzjoni tagħha għal “Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment” (16). Il-mandat, kif emendat mill-Istati Membri, ġie adottat fil-Kunsill fl-20 ta’ Marzu 2018 (17).

2.21.

Id-direttivi ta’ negozjar adottati jfittxu li jistabbilixxu qorti permanenti b’imħallfin indipendenti li kapaċi jwasslu deċiżjonijiet persistenti, prevedibbli u konsistenti dwar tilwim dwar l-investiment bejn investituri u stati abbażi ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali, meta ż-żewġ partijiet (jew mill-anqas tnejn) f’dawn il-ftehimiet ikunu qablu li jpoġġuhom taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti. Huwa previst ukoll Tribunal tal-appell. B’mod ġenerali l-qorti għandha tiffunzjona b’mod kosteffettiv, trasparenti u effiċjenti, inkluż dwar il-ħatra tal-mħallfin. Il-qorti għandha tippermetti wkoll interventi minn partijiet terzi (inkluż pereżempju organizzazzjonijiet ambjentali jew tax-xogħol interessati).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea lejn riforma multilaterali ta’ soluzzjoni ta’ tilwim bejn investitur u stat. Il-KESE jirrikonoxxi wkoll id-dinamika usa’ tar-riforma tal-ISDS, l-isforzi multilaterali taħt l-UNCITRAL kif ukoll sforzi nazzjonali differenti.

3.2.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-UE tibqa’ miftuħa għall-alternattivi kollha għar-riforma tal-ISDS, speċjalment fid-dawl ta’ għadd ta’ approċċi u ideat oħrajn li ħarġu fir-rigward tar-riforma tal-ISDS. Proposti żviluppati minn pajjiżi u organizzazzjonijiet oħrajn għandhom jitqiesu u jkunu vvalutati b’mod partikolari mill-Grupp ta’ Ħidma III tal-UNCITRAL.

3.3.

F’dan il-kuntest, il-KESE jinnota li l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar “Alternattivi għal riforma multilaterali ta’ soluzzjoni għal tilwim dwar l-investiment” kienet qed tiffoka primarjament fuq kwistjonijiet tekniċi marbuta mal-istabbiliment ta’ MIC permanenti. Il-KESE jixtieq jenfasizza l-firxa wiesgħa ta’ opinjonijiet fost il-partijiet interessati dwar jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kkunsidratx l-opinjonijiet alternattivi.

3.4.

Għalkemm il-proċess tan-negozjati dwar l-istabbiliment ta’ MIC għadu ma tnediex u huwa mistenni li jkun proċess twil u kumpless, il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-impenn akbar tal-Kummissjoni Ewropea lejn it-trasparenza, b’mod partikolari l-pubblikazzjoni tal-abbozz tal-mandat ta’ negozjar. Il-KESE jfaħħar lill-Kunsill għall-pubblikazzjoni tal-mandat finali approvat mill-Istati Membri. Dan huwa pass importanti sabiex ikun assigurat li diskussjonijiet u negozjati potenzjali jsiru b’mod trasparenti, responsabbli u inklużiv.

3.5.

Id-diskussjonijiet taħt l-awspiċi tal-UNCITRAL, b’mod partikolari f’termini ta’ trasparenza, huma pass fid-direzzjoni t-tajba, billi jippermettu li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jimmonitorjaw u saħansitra jipparteċipaw fid-diskussjonijiet. Madankollu, il-KESE jinnota li mhux il-partijiet interessati rilevanti kollha għadhom ingħataw aċċess għall-proċedimenti, u li aktar organizzazzjonijiet – li jirrappreżentaw in-negozju, it-trejdjunjins u organizzazzjonijiet oħra ta’ interess pubbliku – jeħtieġ jiġu mistiedna mill-UNCITRAL fil-kuntest tal-Grupp ta’ Ħidma III. Il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għandu jkun aktar trasparenti u bbażat fuq kunsens.

3.6.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-grupp ta’ ħidma jilqa’ l-kontribut tal-partijiet interessati kollha fi sforz sabiex tiżdied l-inklużività, u li l-proċess tal-għażla tal-partijiet interessati għandu jkompli jittejjeb u jsir aktar bilanċjat. F’dan il-kuntest, nappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura l-involviment aktar attiv tal-KESE.

3.7.

L-istabbiliment ta’ MIC huwa proġett fit-tul li jirrikjedi l-involviment ta’ massa kritika ta’ stati li huma lesti li jsiru Partijiet fil-qorti. Għalhekk, l-UE għandha twettaq l-isforzi diplomatiċi kollha li huma neċessarji biex tikkonvinċi pajjiżi terzi jidħlu f’dawk in-negozjati. Il-KESE jqis li huwa partikolarment importanti li dan il-proġett jitwettaq u jkun appoġġjat ukoll minn pajjiżi li qed jiżviluppaw.

3.8.

Kwalunkwe MIC futura se tfittex li tissemplifika l-proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwim f’każijiet mibdija bejn investituri u stati taħt firxa wiesgħa ta’ ftehimiet ta’ investiment internazzjonali eżistenti. Minkejja ċertu livell ta’ xebh bejn klawżoli ta’ protezzjoni tal-investiment sostantivi inklużi fi Trattati Bilaterali tal-Investiment (BITs) jew fi Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTAs) b’Kapitoli dwar il-Protezzjoni tal-Investiment, huwa diffiċli li tintlaħaq armonizzazzjoni sħiħa tas-sistema.

3.9.

Din tkun tirrikjedi riforma aktar wiesgħa. Għalkemm għadha ma ġietx implimentata, u għadha taħt analiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja (QĠUE), l-ICS, kif prevista fil-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada (CETA) (18), il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u Singapore (19), bejn l-UE u l-Vjetnam, bejn l-UE u l-Messiku, u oħrajn li għandhom isegwu fil-ġejjieni (20), tista’ tipprovdi l-esperjenza u tikkontribwixxi fl-iżvilupp tar-regoli għal MIC.

3.10.

L-għan tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea huwa li tistabbilixxi sistema ġdida ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati. Il-KESE jirrikonoxxi li għadd ta’ punti ta’ tħassib espress mis-soċjetà ċivili jistgħu jiġu indirizzati mis-sistema l-ġdida. Madankollu, għadd ta’ kwistjonijiet fundamentali għadhom miftuħa u jirrikjedu aktar kjarifika.

Mistoqsijiet funadamentali

3.11.

Filwaqt li jirrikonoxxu li l-proċess ta’ riforma multilaterali tal-ISDS għadu fl-istadji inizjali tiegħu, il-partijiet interessati qajmu numru ta’ mistoqsijiet fundamentali fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ MIC. Dawn huma kkonċentrati madwar l-aspetti tal-kamp ta’ applikazzjoni – jekk ir-riforma għandhiex tkopri elementi ta’ protezzjoni tal-investiment sostantivi jew proċedurali, jew it-tnejn; l-aċċessibbiltà – jekk hux se jkun possibbli biss għall-investituri li jniedu lmenti ma’ MIC jew anke għall-partijiet terzi wkoll; u l-eżawriment tar-rimedji lokali – jekk l-ewwel għandhomx jiġu eżawriti r-rimedji lokali disponibbli, qabel ma investitur ikun jista’ jiftaħ kawża ma’ MIC futura. Din l-Opinjoni tittratta dawn il-mistoqsijiet.

3.12.

Fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet, il-KESE jirrimarka, li fl-eventwalità li titwaqqaf MIC għandu jitqies kemm il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif ukoll l-Artikolu 1 tat-TUE, li jipprevedi li “d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod miftuħ kemm jista’ jkun u kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin” (21).

3.13.

Il-KESE jinnota t-tħassib li l-MIC tista’ tirriżulta fl-espansjoni tas-sistema ta’ ISDS mingħajr ma l-ewwel jindirizza kif xieraq it-tħassib eżistenti dwar l-ICS, inkluża l-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni. Il-KESE huwa tal-fehma li qorti tal-investiment internazzjonali ma għandha taħt l-ebda ċirkostanza ssir sostitut ġenerali għal soluzzjoni ta’ tilwim domestiku f’pajjiżi b’sistemi ġudizzjarji adegwati.

3.14.

Diversi partijiet interessati esprimew tħassib sinifikanti dwar ir-riforma tal-proċedura qabel ma tkun ivvalutata l-liġi sostantiva li se tkun applikata minn MIC futura u li tingħata s-setgħa lil korp multilaterali istituzzjonalizzat sabiex jinterpreta dawn in-normi. Bl-istess mod, hemm tħassib li dan jista’ jkun joħloq bażi ta’ poter legali fih innifsu. Partijiet interessati oħrajn jaqblu mal-fehmiet tal-Kummissjoni Ewropea li l-liġi sostantiva hija ddefinita fil-ftehimiet sottostanti.

4.   Kamp ta’ applikazzjoni tar-riforma proposta bejn il-klawżoli ta’ protezzjoni sostantivi u l-proċedura tas-soluzzjoni tat-tilwim

4.1.

Il-KESE jinnota li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-riforma multilaterali proposta kien limitat għall-aspetti proċedurali tas-soluzzjoni tat-tilwim bejn investituri u stati.

4.2.

Għalkemm il-KESE jemmen li approċċ aktar olistiku, li jkopri tħassib dwar l-aspetti kemm sostantivi kif ukoll proċedurali tal-protezzjoni tal-investiment, ikun preferibbli, huwa jirrikonoxxi l-kumplessità ta’ tali approċċ u l-ħtieġa li jinġabar appoġġ politiku f’livell multilaterali.

4.3.

Meta wieħed iħares lejn id-diskussjonijiet imwettqa taħt l-awspiċi tal-UNCITRAL, ġew identifikati numru ta’ sfidi mill-Grupp ta’ Ħidma III. Dawn jinkludu l-kwistjoni ta’ jekk huwiex possibbli li wieħed jersaq lejn riforma proċedurali tas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn investituri u stati qabel riforma sostantiva. L-UNCITRAL tqis din bħala biċċa xogħol diffiċli iżda mhux impossibbli. F’dan il-kuntest, il-Grupp ta’ Ħidma III se jeżamina kwistjonijiet li jistgħu jkunu relatati mal-proċedura iżda, fl-istess ħin, jistgħu jkunu qegħdin jaffettwaw b’mod sinifikanti l-leġittimità u l-konsistenza tas-sistema sħiħa, bħal: kodiċi ta’ kondotta għall-aġġudikaturi, il-finanzjament minn partijiet terzi u proċedimenti paralleli.

4.4.

Il-protezzjoni sostantiva tal-investiment normalment tingħata permezz ta’ għadd ta’ prinċipji, fosthom: it-trattament nazzjonali, it-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit (MFN), it-trattament ġust u ekwu u l-garanzija ta’ trasferiment tal-kapital. Madankollu, japplikaw limitazzjonijiet fit-talbiet li l-investituri barranin jistgħu jressqu għas-soluzzjoni ta’ tilwim. Pereżempju, it-talbiet ma jistgħux ikunu bbażati biss fuq it-telf tal-profitt jew fuq sempliċi bidla fil-leġislazzjoni nazzjonali.

4.5.

L-Istati jieħdu miżuri differenti sabiex jindirizzaw it-tħassib espress. Dawn ivarjaw minn approċċi aktar olistiċi, bħall-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ta’ ftehimiet li għandhom l-għan li jirriformaw l-elementi kemm sostantivi kif ukoll proċedurali tal-protezzjoni tal-investiment, għal approċċi aktar immirati li jiffukaw jew fuq ir-riforma tal-komponent sostantiv jew ta’ dak proċedurali tal-protezzjoni tal-investiment. Il-KESE jinnota li l-UE diġà bdiet tippromovi approċċ aktar olistiku, tal-anqas f’livell bilaterali, permezz tal-ICS.

4.6.

L-objettiv espress mill-Kummissjoni huwa li, ladarba tkun stabbilita, MIC għandha ssir il-mudell standard għas-soluzzjoni ta’ tilwim marbut mal-investiment fil-ftehimiet futuri kollha tal-UE, filwaqt li għandha finalment tissostitwixxi l-mekkaniżmi proċedurali fi ftehimiet dwar l-investiment eżistenti tal-UE u l-Istati Membri.

4.7.

F’dan il-kuntest, jekk jimxi ’l quddiem, l-istabbiliment ta’ MIC għandu jirriforma s-sistema tal-ISDS eżistenti b’mod li, fuq naħa waħda jassigura l-protezzjoni effettiva tal-investimenti diretti barranin u, fuq in-naħa l-oħra jindirizza bis-sħiħ it-tħassib imqajjem mill-partijiet interessati. Nixtiequ ninnotaw li, f’dan ir-rigward, intlaħaq progress konsiderevoli, speċjalment fil-kuntest tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles moderni l-aktar riċenti nnegozjati mill-UE.

5.   L-interess pubbliku

5.1.

Il-KESE jikkunsidra li huwa kruċjali li l-MIC bl-ebda mod ma taffettwa l-abbiltà tal-UE u l-Istati Membri li jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt ftehimiet internazzjonali ambjentali, tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol kif ukoll dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi.

5.2.

L-ewwel u qabel kollox, il-ftehim li jistabbilixxi l-MIC għandu jkun fih klawżola ta’ ġerarkija li tiżgura li fil-każ ta’ kwalunkwe inkonsistenza bejn ftehim tal-investiment internazzjonali u kwalunkwe ftehim ambjentali, soċjali jew tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali li huwa vinkolanti fuq Parti waħda fit-tilwima, l-obbligi taħt il-ftehim ambjentali, soċjali jew tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali għandhom jieħdu preċedenza, sabiex jiġi evitat li tingħata preċedenza lill-ftehimiet tal-investituri (22). Din il-klawżola hija partikolarment importanti sabiex tiżgura li l-Partijiet għall-MIC ikollhom il-libertà meħtieġa sabiex jilħqu l-għanijiet skont il-ftehim ta’ Pariġi li jeħtieġ bidla regolatorja sinifikanti sabiex tinkiseb tranżizzjoni tal-enerġija ta’ suċċess.

5.3.

Salvagwardji proċedurali kontra stqarrijiet li jimmiraw lejn leġislazzjoni tal-interess pubbliku domestiku huma meħtieġa sabiex jiggarantixxu d-dritt għal Parti li tirregola fl-interess pubbliku, skont kif tħoss li huwa l-aħjar, fir-rigward tal-protezzjoni tal-investitur. Il-KESE huwa tal-opinjoni li dan jista’ jinkiseb b’mod suffiċjenti biss bl-inklużjoni ta’ konċessjoni ta’ interess pubbliku. Madankollu, din trid tkun akkumpanjata minn garanziji xierqa li ma tiġix abbużata għal raġunijiet protezzjonisti. F’dan il-kuntest, id-dritt għal regolazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni soċjali għandu jsemmi b’mod espliċitu l-ftehimiet kollettivi, inklużi ftehimiet tripartitiċi u/jew ġeneralizzati (erga omnes), sabiex ikunu esklużi milli jkunu soġġetti għal interpretazzjoni bħala ksur ta’ aspettattiva leġittima tal-investituri (23).

5.4.

Il-KESE jinnota li l-Artikolu 8.18(3) tas-CETA diġà jiżgura li investitur jista’ ma jissottomettix stqarrija jekk l-investiment sar permezz ta’ rappreżentazzjoni ħażina qarrieqa, materjal moħbi, korruzzjoni u mġiba li tista’ titqies abbuż tal-proċess. Ftehim futur possibbli li jistabbilixxi l-MIC għandu jiżgura li din il-klawżola tkun estiża għal liġi applikabbli f’termini ta’ frodi, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew ksur ta’ liġi ambjentali (internazzjonali), soċjali jew tal-konsumatur.

5.5.

Fir-regoli tal-proċedura tal-MIC għandhom jiġu inkorporati wkoll kriterji stretti għall-prevenzjoni ta’ talbiet frivoli u sabiex jiġi assigurat li jitwarrbu minn kmieni każijiet mhux meritevoli. L-eżistenza ta’ proċeduri mħaffa preliminari sabiex ikunu miċħuda stqarrijiet frivoli hija importanti, billi din se tindirizza waħda mill-aktar kritiki komuni kontra s-sistema attwali, u b’hekk tassigura li din ma tintużax ħażin fil-ġejjieni. Barra minn hekk, tali proċedura mħaffa għal stqarrijiet mingħajr mertu legali se tikkontribwixxi għat-tnaqqis fl-ispejjeż tal-funzjonament tal-qorti.

5.6.

Il-KESE jinnota li qasam wieħed ta’ tħassib imqajjem matul is-seduta pubblika tiegħu kien il-possibbiltà ta’ finanzjament ta’ tilwim minn partijiet terzi. Finanzjament minn partijiet terzi jista’ ma jaqdix l-għanijiet oriġinali tal-ftehimiet tal-investiment u jista’ jirriżulta f’inċentivi perversi. Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li ssir investigazzjoni dwar l-impatt u l-ħtieġa ta’ finanzjament minn partijiet terzi u r-regolamentazzjoni tiegħu skont l-MIC (24).

6.   Drittijiet ta’ parti terza u kontrotalbiet

6.1.

Il-KESE jikkunsidra li jippermetti sottomissjonijiet amicus curiae (25), li attwalment diġà huma possibbli taħt numru sinifikanti ta’ proċedimenti tal-ISDS, u jilqa’ bi pjaċir dan l-ewwel pass sabiex tkun żgurata sistema bbilanċjata u ġusta. Madankollu, il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-konvenzjoni li tistabbilixxi l-MIC mhux biss tippermetti sottomissjonijiet amicus curiae fl-ammissibbiltà tagħhom, iżda anke tiżgura li l-imħallfin jintalbu jikkunsidrawhom fid-deliberazzjonijiet tagħhom.

6.2.

Il-KESE għalhekk jilqa’ bi pjaċir l-inklużjoni fil-mandat għall-MIC tal-possibbiltà ta’ interventi minn partijiet terzi. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda l-investigazzjoni tar-rwol ta’ partijiet terzi lil hinn mir-regoli attwali tal-UNCITRAL sabiex ikunu żgurati sistema bbilanċjata u ġusta u drittijiet effettivi għal partijiet terzi affettwati li jistgħu jkunu residenti lokali, ħaddiema, unions, gruppi ambjentali jew konsumaturi.

6.3.

Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-Proposta tal-Qorti tal-Investiment fit-TTIP għall-possibbiltà ta’ interventi minn partijiet terzi u l-kjarifika fil-mandat li tali interventi għandhom ikunu miftuħa għall-partijiet interessati kollha li għandhom interess legali f’kawża. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-kriterji stabbiliti skont il-MIC m’għandhomx ikunu stretti bla bżonn u għandhom jippermettu aċċess ġust għal proċedimenti f’konformità sħiħa ma’ u fl-ispirtu tal-obbligi tal-UE skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

6.4.

Xi partijiet interessati jappoġġjaw il-fehma li l-MIC għandha tkun tista’ wkoll tisma’ stqarrijiet minn partijiet terzi bħala kontrostqarrijiet minn Stati kontra investituri f’konformità ma’ żviluppi eżistenti skont is-sistema l-antika tal-ISDS. Din il-kwistjoni tqajjem numru ta’ mistoqsijiet legali u prattiċi li jeħtieġ li jkunu eżaminati b’attenzjoni. Pereżempju din il-possibbiltà tiddependi fuq il-liġi applikabbli, fi kliem ieħor id-dispożizzjonijiet sostantivi inklużi fil-ftehimiet taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti.

6.5.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-MIC tal-anqas ma tagħlaqx il-bibien għall-istqarrijiet minn partijiet terzi affettwati kontra investituri barranin. Sa dan il-punt, konvenzjoni li tistabbilixxi l-MIC jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet li jippermettu tali stqarrijiet meta Partijiet fi ftehim internazzjonali jkunu qablu mal-ġurisdizzjoni tal-MIC għal tali tilwim.

7.   Relazzjoni ma’ qrati domestiċi

7.1.

Il-KESE jikkunsidra li l-MIC taħt l-ebda ċirkostanza ma tista’ taffettwa b’mod negattiv lis-sistema ġudizzjarja tal-UE u l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Il-KESE jfakkar li fl-Opinjoni REX/411 iddikjara li hemm tħassib konsiderevoli relatat mat-trattati tal-UE u l-liġi kostituzzjonali fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-ISDS u l-ordni legali tal-UE. Għalhekk ħass li huwa “assolutament kruċjali li l-konformità tal-ISDS mal-liġi tal-UE tiġi verifikata mill-QĠUE fi proċedura formali biex tintalab opinjoni, qabel ma l-istituzzjonijiet kompetenti jilħqu deċiżjoni u qabel id-dħul fis-seħħ provviżorju ta’ kwalunkwe IIA, negozjat mill-KE”.

7.2.

F’dan il-kuntest, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għal żewġ kawżi eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, li kienu bbażati fuq is-sistema ta’ arbitraġġ preċedenti tal-ISDS u li huma rilevanti għad-diskussjoni. L-ewwel wieħed, fl-Opinjoni 2/15 tiegħu tas-16 ta’ Mejju 2017 dwar l-FTA bejn l-UE u s-Singapore, il-QĠUE iddeterminat li l-UE ma għandhiex kompetenza esklużiva fuq l-ISDS, billi sabet li l-ISDS “tneħħi lmenti mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri”. It-tieni, fis-sentenza tagħha fil-kawża C-284/16, Slowakische Republik vs Achmea BV dwar ftehimiet tal-investiment intra-UE, il-QĠUE sabet li l-ISDS tneħħi lmenti mill-ġurisdizzjoni ta’ qrati ta’ Stati Membri tal-UE u, b’riżultat ta’ hekk, anke mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji fis-sistema legali tal-UE.

7.3.

Il-KESE jfaħħar lill-gvern Belġjan talli talab opinjoni skont l-Artikolu 218(11) tat-TFUE dwar il-kompatibbiltà tas-Sistema tal-Qorti tal-Investiment fis-CETA mat-Trattati tal-UE, kif intalab mill-KESE fl-Opinjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi ewlenin fin-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) (26). Il-KESE jesprimi t-tama li l-Opinjoni 1/17 tal-QĠUE tagħti lill-istituzzjonijiet tal-UE l-gwida tant meħtieġa dwar kwistjonijiet importanti tal-liġi kostituzzjonali Ewropea.

7.4.

Il-KESE jirrikonoxxi li xi partijiet interessati jikkunsidraw li l-aktar mod effettiv sabiex jiġu ppreservati s-setgħat tal-qrati domestiċi huwa billi l-istatus quddiem il-Qorti Multilaterali tal-Investiment jiġi llimitat għal stati u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UE. Is-soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-istati hija wkoll il-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni tat-tilwim predefinit skont il-liġi internazzjonali pubblika, diġà ntużat f’għadd ta’ ftehimiet tal-investiment, u għalhekk għandha tkun ippreferuta b’rabta mal-liġi tal-investiment. Il-KESE jinnota li partijiet interessati oħrajn jikkunsidraw li s-soluzzjoni ta’ tilwim bejn investituri u stati hija alternattiva aktar effettiva fil-każ ta’ investiment, peress li fil-fehma tagħhom toffri soluzzjoni newtrali, mhux politiċizzata u kosteffettiva għat-tilwim. Din kienet u għada s-sistema predefinita għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar investiment minn meta ġiet stabbilita għexieren ta’ snin ilu.

7.5.

Il-KESE jinnota li l-kwistjoni tar-relazzjoni bejn il-qrati domestiċi u l-Qorti Multilaterali tal-Investiment titqies b’mod differenti minn partijiet interessati differenti. Filwaqt li xi wħud iqisu li l-Qorti Multilaterali tal-Investiment għandha titqies bħala l-aħħar alternattiva, wara l-eżawriment obbligatorju tar-rimedji lokali, oħrajn jaqblu li l-approċċ ta’ “no U-turn” attwalment segwit mill-Kummissjoni jikkostitwixxi wkoll bażi tajba fil-kuntest tal-Qorti Multilaterali tal-Investiment.

7.6.

Skont l-approċċ “no U-turn” investitur għandu d-dritt li jindirizza t-tribunali lokali jew l-ICS/MIC direttament. Madankollu, ladarba l-każ jiġi konkluż fi kwalunkwe forum, investitur ma jistax jerġa’ jiftħu bl-użu ta’ forum ieħor. Xi partijiet interessati jemmnu li dan l-approċċ jindirizza b’suċċess it-tħassib imqajjem mill-fatt li l-investituri għandhom il-possibbiltà li jfittxu rimedju f’aktar minn forum wieħed, għall-istess allegat ksur. Jinnotaw ukoll li diversi Ftehimiet tal-Investiment Internazzjonali jsegwu dan l-approċċ (27). Skont l-analiżi pprovduta mill-UNCTAD (28), “[il-klawżola ta’ ‘no U-turn’] tipprova tipprekludi stqarrija internazzjonali simultanja minn investitur li jallega ksur tal-IIA, u kawżi domestiċi mis-sussidjarju tal-investitur li jallega ksur ta’ kuntratt jew liġi domestika”.

7.7.

Ir-rekwiżit li l-ewwel għandhom jiġu eżawriti r-rimedji domestiċi huwa prinċipju fundamentali tad-dritt internazzjonali konswetudinarju u tal-liġi tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali. Hemm ukoll diversi ftehimiet ta’ investiment konklużi minn Stati Membri tal-UE ma’ pajjiżi terzi li espressament jirrikjedu lill-applikanti sabiex jeżawrixxu r-rimedji domestiċi (29). Ir-raġunament tar-regola huwa li tagħti lill-Istat fejn seħħ il-ksur opportunità sabiex jindirizzah bil-mezzi tiegħu, fi ħdan il-qafas tas-sistema legali domestika tiegħu u hija applikata kull meta kawżi internazzjonali u domestiċi huma mfasslin sabiex jiksbu l-istess riżultat (30). Il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja sabet li din hija tant importanti li ma jistax jiġi interpretat li twarrbet b’mod impliċitu permezz ta’ ftehim internazzjonali (31). Għal dawn ir-raġunijiet, xi partijiet interessati jqisu li huwa importanti li din ir-regola ssir espliċita fil-ftehim li tistabbilixxi l-MIC.

7.8.

Fid-dawl tad-dibattitu t’hawn fuq, il-KESE jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinvestiga aktar il-kwistjoni tal-eżawriment tar-rimedji lokali u kif tista’ taħdem fil-kuntest tal-MIC.

8.

Indipendenza u leġittimità tal-imħallfin

8.1.

Irrispettivament mill-istruttura istituzzjonali tagħha (organizzazzjoni internazzjonali awtonoma jew marbuta ma’ istituzzjoni eżistenti), għandha tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza ta’ MIC. Il-ħatra ta’ mħallfin fuq bażi permanenti hija kkunsidrata bħala fattur ewlieni sabiex tibda tinbena l-ġurisprudenza, u b’hekk tittejjeb il-prevedibbiltà u ssir tranżizzjoni lil hinn mill-approċċ tal-ISDS, li sikwit jiġi perċepit bħala “ad hoc”.

8.2.

Jekk l-MIC kellha tibda, li jkun hemm imħallfin permanenti għandu jkun l-objettiv finali. Fl-istadji inizjali tal-istabbiliment tal-qorti, għandha tkun f’pożizzjoni li tkun tista’ torganizza lilha nnifsa bil-kunsiderazzjoni tan-numru ta’ każijiet li l-qorti jkun se jkollhatindirizza. Dan jiddependi mill-għadd ta’ Partijiet inizjali għall-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-qorti u l-għadd ta’ ftehimiet li huma jġibu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti.

8.3.

Għalkemm il-metodu għall-ħatra tal-imħallfin mhuwiex previst fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea għal mandat, il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-impenji dwar l-istabbiliment ta’ kriterji ċari u ta’ livell għoli, inkluż dwar il-kwalifiki tal-kandidati u r-rispett ta’ kodiċi ta’ kondotta, bħall-Magna Carta tal-Imħallfin (32), li għandhom jiggarantixxu n-nuqqas ta’ kunflitti tal-interess u l-indipendenza tal-imħallfin. Dan huwa essenzjali sabiex jiġi assigurat l-istat tad-dritt u l-fiduċja tal-pubbliku.

8.4.

Rigward il-kwalifiki tal-imħallfin, ir-rekwiżit ta’ għarfien espert dimostrabbli m’għandux ikun biss fil-qasam tad-dritt internazzjonali pubbliku, iżda wkoll fl-oqsma bħal-liġi dwar l-investiment u l-liġi tal-konsumatur, ambjentali, tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol u s-soluzzjoni tat-tilwim. Dan huwa kruċjali sabiex ikun assigurat li l-imħallfin ikollhom l-esperjenza neċessarja sabiex jittrattaw it-tipi differenti ta’ każijiet, u jkunu kapaċi jifhmu bis-sħiħ u jivvalutaw kif suppost il-kuntest legali, li jirrigwardaw setturi u tipi differenti ta’ investimenti, li jitressqu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti.

8.5.

Barra minn hekk, il-KESE jappoġġa proċedura għall-ħatra tal-imħallfin li tkun trasparenti u ssegwi kriterji li jassiguraw ir-rappreżentanza ekwa tal-Partijiet kollha għall-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-qorti. Il-proċess ta’ għażla għandu jkun trasparenti u soġġett għall-prinċipji ta’ skrutinju pubbliku.

8.6.

L-assigurazzjoni tat-trasparenza, l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni għall-pubbliku aktar ġenerali kif ukoll l-aċċessibbiltà għall-partijiet interessati, pereżempju permezz ta’ akkreditazzjoni, hija element kruċjali ieħor sabiex jittejbu l-kredibbiltà u l-leġittimità tas-sistema. Ir-Regoli tal-UNCITRAL dwar it-Trasparenza f’Arbitraġġ bejn l-Investituri u l-Istat bbażat fuq Trattat u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trasparenza f’Arbitraġġ bejn l-Investituri u l-Istat bbażat fuq Trattat (il-“Konvenzjoni ta’ Mauritius dwar it-Trasparenza”) għandhom jipprovdu l-bażi għar-regoli dwar it-trasparenza f’MIC futura.

9.   Sistema effettiva

9.1.

Segretarjat għandu jkun inkarigat bl-amministrazzjoni effettiva ta’ MIC. Għalkemm bħalissa mhux ċar jekk il-qorti hijiex se tkun organizzazzjoni stabbilita ġdida jew marbuta ma’ organizzazzjoni internazzjonali eżistenti, għandu jkun iggarantit li jiġu allokati riżorsi suffiċjenti għall-funzjonament tas-segretarjat.

9.2.

L-abbozz ta’ mandat jissuġġerixxi li l-ispejjeż amministrattivi jkunu koperti mill-Partijiet fuq bażi ekwa, filwaqt li jitqiesu kriterji differenti, fosthom il-livell ta’ żvilupp ekonomiku tal-Partijiet, l-għadd ta’ ftehimiet koperti għal kull Parti u l-volum ta’ flussi jew ta’ stokks ta’ investiment internazzjonali ta’ kull Parti.

9.3.

Rigward l-allokazzjoni tal-ispejjeż relatati mal-aġġudikazzjoni tal-każijiet (eskluża r-remunerazzjoni tal-imħallfin li huwa propost li tkun fissa), l-abbozz ta’ mandat ma jgħid xejn. Il-KESE jitlob kjarifika dwar din il-kwistjoni.

9.4.

Ammont sostanzjali ta’ IDB jitwettaq minn kumpaniji żgħar u medji (SMEs), li jeħtieġ li jgawdu l-istess livell ta’ protezzjoni u aċċess għas-soluzzjoni ta’ tilwim, b’kundizzjonijiet u spejjeż raġonevoli.

9.5.

Għandha tiġi kkunsidrata wkoll il-possibbiltà li jiġi pprovdut mekkaniżmu ta’ konċiljazzjoni li jkollu l-għan li jgħin lill-partijiet isolvu tilwima b’mod amikevoli.

9.6.

Id-deċiżjonijiet kollha tal-MIC għandhom ikunu infurzabbli u magħmula pubbliċi.

10.   Livell għoli ta’ protezzjoni u perjodu ta’ tranżizzjoni potenzjali

10.1.

Huwa importanti jiġi nnotat li rekwiżit ewlieni biex ftehim jiġi sottomess taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti huwa li ż-żewġ partijiet għall-ftehim iridu jagħtu l-kunsens tagħhom. Dan effettivament ifisser li l-ebda wieħed mill-ftehimiet iffirmati jew mill-UE jew mill-Istati Membri tal-UE mhu se jitpoġġa awtomatikament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti, sakemm ma taqbilx ukoll il-parti terza.

10.2.

F’dan ir-rigward, matul perjodu ta’ tranżizzjoni potenzjali bejn is-sistema tal-ISDS attwali u l-ICS, u sal-istabbiliment ta’ MIC, il-proċeduri miftiehma għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom ikomplu japplikaw sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ta’ livell għoli tal-investimenti, fid-dawl tal-kostituzzjonalità u l-vijabbiltà tagħha skont id-dritt tal-Unjoni, sakemm tittieħed deċiżjoni fil-kawża ppreżentata mill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (33).

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  http://www.oecd-ilibrary.org/finance-and-investment/societal-benefits-and-costs-of-international-investment-agreements_e5f85c3d-en

(2)  http://trade.ec.europa.eu/consultations/index.cfm?consul_id=179

(3)  http://trade.ec.europa.eu/consultations/index.cfm?consul_id=233

(4)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2015-0252+0+DOC+XML+V0//MT

(5)  Fis-6 ta’ Settembru 2017, il-Belġju talab Opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-kompatibbiltà tal-ICS ma’ (1) il-kompetenza esklużiva tal-QtĠ-UE sabiex tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva tad-Dritt tal-Unjoni Ewropea; (2) il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza u r-rekwiżit ta’ “effett prattiku” tad-Dritt tal-Unjoni Ewropea; (3) id-dritt ta’ aċċess għall-qrati u; (4) id-dritt għal ġudikatura indipendenti u imparzjali. (https://diplomatie.belgium.be/sites/default/files/downloads/ceta_summary.pdf)

(6)  https://www.eesc.europa.eu/en/agenda/our-events/events/public-hearing-framework-eesc-own-initiative-opinion-position-eesc-specific-key-issues-ttip-negotiations

(7)  https://www.eesc.europa.eu/en/agenda/our-events/events/multilateral-investment-court-hearing

(8)  Ara “Il-pożizzjoni tal-KESE dwar kwistjonijiet speċifiċi ewlenin tan-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP)” (ĠU C 487, 28.12.2016, p. 30).

(9)  Ara l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Il-protezzjoni tal-investituri u s-soluzzjoni għat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment bejn l-UE u pajjiżi terzi (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 45). L-Opinjoni tinkludi appendiċi li jirreferi għal strument multilaterali possibbli għas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn investituri u stati.

(10)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 9.

(11)  L-UE mhijiex stat u għalhekk mhijiex membru, iżda għandha status ta’ osservatur privileġġat fi ħdan l-UNCITRAL.

(12)  http://daccess-ods.un.org/access.nsf/Get?OpenAgent&DS=A/CN.9/WG.III/WP.142&Lang=E

(13)  http://unctad.org/en/PublicationsLibrary/diaepcb2017d3_en.pdf

(14)  UNCTAD IIA Issues Note, “Recent Developments in the International Investment Regime” [Żviluppi Riċenti fir-Reġim tal-Investiment Internazzjonali] (Mejju 2018), disponibbli minn http://investmentpolicyhub.unctad.org/Publications/Details/1186.

(15)  http://www.ohchr.org/EN/HRBodies/HRC/WGTransCorp/Pages/IGWGOnTNC.aspx

(16)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2017:493:FIN

(17)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12981-2017-ADD-1-DCL-1/mt/pdf

(18)  https://www.eesc.europa.eu/en/agenda/our-events/events/multilateral-investment-court-hearing

(19)  Fl-Opinjoni 2/15 tas-16 ta’ Mejju 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea pprovdiet ċarezza dwar in-natura tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u Singapore, fejn iddikjarat liema partijiet tal-ftehim huma ta’ kompetenza esklużiva tal-UE u liema huma tal-hekk imsejħa “kompetenza kondiviża”, li jirrikjedu ratifika mill-parlamenti nazzjonali. (https://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2017-05/cp170052mt.pdf)

(20)  Pereżempju, il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u ċ-Ċili (attwalment fil-proċess ta’ aġġornament), il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun (li ġie konkluż fl-2017, u ma jinkludix Kapitolu dwar il-Protezzjoni tal-Investiment iżda l-Partijiet qablu li l-kwistjoni tiġi diskussa u indirizzata aktar fil-ġejjieni), kif ukoll il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles futuri mal-Awstralja u New Zealand.

(21)  Barra minn hekk, din ir-regola hija wkoll parti mit-trattati tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB).

(22)  Għal analiżi kritika ta’ każijiet preċedenti tat-tribunal tal-ISDS ara Andreas Kulick, Global Public Interest in International Investment Law (Cambridge University Press 2012), 225-306.

(23)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 8.

(24)  http://ccsi.columbia.edu/work/projects/third-party-funding-in-investor-state-dispute-settlement/

(25)  Amicus curiae: tfisser litteralment, ħabib tal-qorti. Persuna b’interess jew fehmiet qawwija dwar is-suġġett tat-talba, iżda li ma tkunx parti mill-kawża, tista’ tressaq petizzjoni lill-qorti għal permess biex tippreżenta fil-qosor, apparentement f’isem parti iżda fil-fatt biex tissuġġerixxi raġunament konsistenti mal-fehmiet tagħha stess. Għal aktar informazzjoni: https://legal-dictionary.thefreedictionary.com/amicus+curiae.

(26)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 8.

(27)  Ħafna ftehimiet konklużi mill-Istati Uniti u l-Kanada jinkludu dispożizzjonijiet ta’ “no U-turn”. Pereżempju it-trattat bilaterali fuq l-investiment Kanada-Ġordan (2009) fl-Artikolu 26 dwar kundizzjonijiet ta’ qabel is-sottomissjoni ta’ stqarrija għal arbitraġġ.

(28)  UNCTAD series on Issues in International Investment Agreements II, Investor-State Dispute Settlement (UNCTAD, 2014): http://unctad.org/en/PublicationsLibrary/diaeia2013d2_en.pdf.

(29)  Ara pereżempju l-Artikolu 5 tat-trattat bilaterali fuq l-investiment (BIT) Ġermanja–Iżrael 1976, l-Artikolu 8 tal-BIT Eġittu–Żvezja 1978, l-Artikolu 7 tal-BIT Rumanija–Sri Lanka 1981, l-Artikolu 8 tal-BIT Albanija–Litwanja 2007, l-Artikolu XI tal-BIT Urugwaj–Spanja 1992, l-Artikolu X tal-BIT Urugwaj–Polonja 1991.

(30)  Interhandel (Switz. v. U.S.), Preliminary Objections, 1959 I.C.J. Rep. 6, at 27 (Mar. 21). Disponibbli minn http://www.icj-cij.org/docket/files/34/2299.pdf, f’27

(31)  Elettronica Sicula S.p.A. (ELSI) (Italy v. U.S.), Judgment, 1989 I.C.J. Rep. 15, 28 I.L.M. 1109 (July 20), para.

(32)  https://rm.coe.int/16807482c6

(33)  Ara nota 5 f’qiegħ il-paġna.


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/156


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)”

(COM(2018) 465 final — 2018/0247 (COD))

(2019/C 110/28)

Relatur:

Dimitris DIMITRIADIS

Konsultazzjoni

Il-Parlament Ewropew, 2.7.2018

Kummissjoni Ewropea, 12.7.2018

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 18.7.2018

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

23.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Nru tas-Sessjoni plenarja

539

Riżultat

(favur/kontra/astensjonijiet)

181/1/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) għall-perjodu 2021-2027.

1.2.

Il-KESE jilqa’ wkoll l-istqarrija li l-IPA III għandu jpoġġi l-prestazzjoni fil-qalba tal-istrument u b’hekk jippermetti aktar direzzjoni fl-allokazzjonijiet tal-fondi ġenerali li jirriflettu l-impenji tal-benefiċjarji u l-progress lejn ir-riformi. L-użu ta’ indikaturi tal-prestazzjoni se jikkontribwixxi għall-valutazzjoni ġenerali tal-IPA III u huwa skont ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu għall-IPA II (1).

1.3.

Il-KESE huwa konvint li l-istabbiliment tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni huwa konformi mal-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea għall-Balkani tal-Punent “Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent”, ippubblikata fis-6 ta’ Frar 2018, u mas-sitt inizjattivi ewlenin tagħha li jvarjaw mit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, ir-rinfurzar tal-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u l-migrazzjoni permezz ta’ timijiet ta’ investigazzjoni konġunta, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, it-tkabbir tal-Unjoni tal-Enerġija fl-UE għall-Balkani tal-Punent, it-tnaqqis fit-tariffi tar-roaming u l-implimentazzjoni tal-broadband fir-reġjun (2). Huwa wkoll konformi mal-politika tal-Unjoni Ewropea għat-tkabbir tagħha fid-dawl tal-adeżjoni possibbli tat-Turkija fil-futur.

1.4.

Il-KESE jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu bbażata fuq l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jipprevedi li kull Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-istat tad-dritt u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi, u li jimpenja ruħu li jippromovi dawn il-valuri, jista’ japplika biex isir membru tal-Unjoni.

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li r-referenza finanzjarja prevista fl-abbozz ta’ Regolament dwar l-IPA III għall-perjodu mill-2021 sal-2027 se tkun ta’ madwar EUR 14,5 biljun skont il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea.

1.6.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li 25 % tan-nefqa tal-UE se tikkontribwixxi għall-objettivi klimatiċi.

1.7.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-IPA III jintroduċi aktar flessibbiltà billi ma stabbilixxiex allokazzjonijiet tal-imsieħba mill-bidu nett. Il-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA jenħtieġ li jkun ibbażat fuq ħtiġijiet li qegħdin jevolvu u jiżgura bilanċ bejn il-finanzjament ibbażat fuq il-prevedibbiltà u dak ibbażat fuq il-prestazzjoni.

1.8.

Il-KESE jenfasizza li l-kummenti li saru wara l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-IPA II (3) u ħafna mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-KESE (4) għandhom jiġu adottati bis-sħiħ kemm mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mill-kandidati u mill-kandidati potenzjali.

1.9.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni biex jissoktaw ir-riformi ekonomiċi u biex jinħoloq ambjent tan-negozju favorevoli u prevedibbli li jrawwem l-intraprenditorija, il-ħolqien tan-negozji u jgħin lill-SMEs jikbru, u b’hekk jiżdiedu l-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi deċenti ġodda.

1.10.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-Programmi ta’ Riforma Ekonomika (ERPs) u ta’ involviment sinifikanti tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi. Il-KESE jitlob li jiġu allokati aktar fondi, inklużi għotjiet organizzazzjonali, għall-bini tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv f’dawn il-proċessi. Jeħtieġ jiġi mħeġġeġ it-titjib fil-kwalità u l-kontenut tad-djalogu soċjali fil-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali.

1.11.

Il-KESE jqis li l-finanzjament ipprovdut mill-IPA III huwa importanti għall-integrazzjoni tal-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent fl-UE.

1.12.

Il-KESE jħaddan il-fehma li l-progress tal-benefiċjarji tal-IPA fir-rigward tar-riformi huwa essenzjali għall-assorbiment (bejn 64,3 % u 88,9 % għall-IPA II) u għall-isfruttar ta’ dawn il-fondi, u jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ kultura ta’ kooperazzjoni bejn il-benefiċjarji tal-Balkani tal-Punent. Il-każ tat-Turkija huwa ferm aktar ikkumplikat u delikat. Il-finanzjament ta’ pajjiż fejn id-deterjorazzjoni ulterjuri fir-rigward tad-drittijiet ċivili mhijiex kompletament eskluża jirrikjedi kawtela u l-ħtieġa għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-kundizzjonalità.

1.13.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa tal-użu tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni biex tiżdied il-kapaċità tal-amministrazzjoni tal-kandidati u l-kandidati potenzjali sabiex jitħejjew għall-użu futur tal-fondi strutturali u għall-parteċipazzjoni fil-Politika Agrikola Komuni tal-UE (PAK).

1.14.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha tistabbilixxi mekkaniżmi stretti u effiċjenti li jimmonitorjaw id-distribuzzjoni tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni lill-kandidati u lill-kandidati potenzjali kollha. Speċjalment fil-każ tat-Turkija għandha tingħata aktar attenzjoni biex jitwaqqaf id-dewmien kroniku f’diversi setturi.

1.15.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-implimentazzjoni tal-IPA III se jkollha bżonn tiġi aċċellerata, b’mod partikolari fl-ewwel snin, biex jiġu evitati backlogs strutturali fil-kuntrattar u fl-implimentazzjoni, u biex id-dewmien attwali jiġi assorbit progressivament. Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-ġestjoni indiretta mal-benefiċjarji. L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu wriet li filwaqt li l-impatt f’termini ta’ żieda fis-sjieda huwa meqjus pożittiv, il-prestazzjoni tal-kuntrattar kienet fqira u kien hemm dewmien kbir fl-implimentazzjoni, partikolarment fit-Turkija.

1.16.

Il-KESE jenfasizza li l-monitoraġġ għandu jsir fuq il-bażi tal-indikaturi stabbiliti fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea. L-indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti se jiġu ddefiniti u inklużi fil-qafas ta’ programmazzjoni tal-IPA, u fuq il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE se jiġu imposti rekwiżiti ta’ rappurtar proporzjonati. Ir-rapporti dwar it-tkabbir se jittieħdu bħala punt ta’ referenza fil-valutazzjoni tar-riżultati tal-assistenza tal-IPA III. Is-sistema ta’ rappurtar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati jinġabru b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtu.

1.17.

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment l-azzjonijiet tagħha u tanalizza l-progress li jkun sar biex jinkisbu r-riżultati. L-evalwazzjonijiet se jivvalutaw l-effetti tal-Istrument fil-prattika fuq il-bażi tal-indikaturi u l-miri rilevanti, u analiżi dettaljata ta’ sa fejn jista’ jiġi meqjus li l-Istrument huwa rilevanti, effettiv u effiċjenti, jagħtix biżżejjed valur miżjud tal-UE u huwiex koerenti ma’ politiki oħrajn tal-UE. L-evalwazzjonijiet se jinkludu tagħlimiet meħuda biex jiġu identifikati kwalunkwe nuqqas/problema jew kwalunkwe potenzjal biex l-azzjonijiet jew ir-riżultati tagħhom ikomplu jittejbu u biex jgħinu sabiex jiġu massimizzati l-isfruttar/l-impatt tagħhom.

1.18.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li għandhom jiġu stabbiliti punti ta’ referenza u li għandhom jinfirxu l-aħjar prattiki fost il-kandidati u l-kandidati potenzjali biex itejbu l-assorbiment attiv tal-fondi tagħhom.

1.19.

Il-KESE jenfasizza li l-abbozz ta’ Regolament ġdid jagħti wkoll importanza lil koordinazzjoni u kooperazzjoni akbar ma’ donaturi u istituzzjonijiet finanzjarji oħra, inkluż is-settur privat.

1.20.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tesplora l-potenzjal għal perspettiva aktar fit-tul fl-implimentazzjoni. Din iżżid il-livell ta’ prevedibbiltà u tnaqqas il-pressjoni tal-ħin, speċjalment meta jkun hemm dewmien sostanzjali akkumulat matul il-perjodu attwali.

1.21.

Il-KESE jara l-ħtieġa li tittejjeb il-kwalità ġenerali tad-dokumenti (ta’ ħidma) użati għall-ippjanar tal-approċċ skont is-settur kif ukoll biex jiġi ċċarat l-ippjanar tal-approċċ skont is-settur mal-partijiet rilevanti kollha. Għal dak il-għan, jirrakkomanda wkoll li jittieħdu miżuri biex tittejjeb il-kapaċità tal-Kummissjoni Ewropea biex tintegra kwistjonijiet orizzontali. Hemm ħtieġa ġenerali li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni. Dan għandu jinkludi wkoll użu proporzjonat ta’ assistenza teknika biex tappoġġja dawn l-istituzzjonijiet fil-pajjiżi kandidati u dawk kandidati potenzjali.

1.22.

Il-KESE jemmen li l-IPA II jeħtieġ jintuża biex jiżdied l-għarfien dwar il-valuri fundamentali tal-UE kif ukoll biex jiġi promoss il-valur miżjud tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni fost il-popolazzjoni ġenerali fil-pajjiżi kandidati u f’dawk kandidati potenzjali. Dan għandu jsir permezz ta’ programmi ta’ għotjiet amministrati mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

1.23.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għandha tkun konnessa ma’ (a) l-istat tad-dritt, (b) il-governanza tajba u d-drittijiet fundamentali, (c) l-iżvilupp soċjoekonomiku, (d) l-adozzjoni tal-politiki u l-acquis tal-UE, (e) ir-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat u r-rikonċiljazzjoni u (f) il-kooperazzjoni reġjonali.

2.   L-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-drittijiet fundamentali

2.1.

Il-KESE jenfasizza li għad hemm diverġenza kbira bejn l-istandards tal-UE u dawk fil-kandidati u l-kandidati potenzjali kollha. Is-sitwazzjoni fit-Turkija tidher li hija diffiċli aktar milli kienet qabel, speċjalment wara l-kolp ta’ stat fallut ta’ Lulju 2016 u l-impożizzjoni tal-liġi marzjali.

2.2.

Il-KESE jemmen li l-IPA III għandu jkompli bl-investimenti tiegħu fil-proġetti relatati mal-istat tad-dritt li għenu lill-pajjiżi biex jistabbilixxu korpi tal-infurzar tal-liġi u korpi ġudizzjarji b’saħħithom u professjonali, indipendenti u ħielsa minn influwenza esterna.

2.3.

Il-KESE jemmen ukoll li għandu jintwera interess speċifiku fil-formazzjoni ta’ sistema effiċjenti li tipproteġi l-fruntieri, timmaniġġja l-flussi migratorji, tilqa’ kontra l-kriżijiet umanitarji u tipprovdi asil lil dawk fil-bżonn. L-assistenza teknika mill-UE biex tappoġġja prattiki ta’ governanza tajba f’dawn l-oqsma jaf tirriżulta li tkun siewja ħafna. Barra minn hekk il-kandidati u l-kandidati potenzjali kollha għandhom jiżviluppaw mekkaniżmi biex jipprevjenu l-kriminalità organizzata u jwaqqfu t-terroriżmu u l-immigrazzjoni illegali. It-Turkija għandha turi impenn aktar b’saħħtu għall-implimentazzjoni tal-Ftehim iffirmat mal-UE fit-28 ta’ Marzu 2016 bil-għan li twaqqaf il-fluss tal-migrazzjoni irregolari mit-Turkija lejn l-Ewropa (5).

2.4.

Il-KESE jenfasizza li s-settur pubbliku fil-kandidati u l-kandidati potenzjali kollha għadu qed ibati minn problemi bħall-klijenteliżmu, l-opaċità, il-korruzzjoni u l-inugwaljanza.

2.5.

Il-KESE huwa konxju mill-fatt li fil-kandidati u l-kandidati potenzjali kollha l-minoranzi għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna problemi minħabba mġiba u attitudnijiet diskriminatorji.

2.6.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li fl-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għandha tingħata prijorità lil inizjattivi li jirriformaw u jiddepolitiċizzaw is-settur pubbliku, jippromovu t-trasparenza u r-responsabbiltà, isaħħu l-Gvern elettroniku u jtejbu l-ġestjoni. F’dan ir-rigward, l-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għandha tintuża biex jinħolqu opportunitajiet sinifikanti għall-involviment tal-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jitfasslu l-politiki tal-gvern.

2.7.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li s-soċjetà ċivili għandha tkun rikonoxxuta bħala aġent sinifikanti biex tassigura l-istat tad-dritt, u li għalhekk l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu pprijoritizzati fil-programmi ta’ Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni.

2.8.

Il-KESE jemmen ukoll li l-finanzjament tal-istituzzjonijiet li jiffaċilitaw u jippromovu l-ugwaljanza u r-rispett għad-drittijiet ċiviċi għandhom ikunu wkoll prijorità fl-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni.

3.   L-iżvilupp soċjoekonomiku

3.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-ħtieġa għal assistenza finanzjarja għal dawn l-imsieħba tintwera mir-rati tal-qgħad għoljin li jippersistu (eż. 21,6 % fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, 35,3 % fil-Kosovo (*1) għall-ewwel kwart tal-2018) u l-irkupru bil-mod biex ilaħħqu mal-pajjiżi tal-UE f’termini ta’ PDG per capita.

3.2.

Il-KESE huwa kompletament konxju mill-fatt li l-faqar, il-livell għoli ta’ qgħad, l-ekonomija informali, il-pagi baxxi, il-korruzzjoni, l-abbuż, l-emigrazzjoni ta’ ħaddiema tas-sengħa u l-eżodu ta’ mħuħ qed jaffettwaw lill-imsieħba kollha tal-Balkani tal-Punent (6) u lit-Turkija.

3.3.

Il-KESE jemmen li r-rwol tal-edukazzjoni fl-imsieħba kollha tal-Balkani tal-Punent u fit-Turkija, inkluż l-aċċess ugwali għal sistemi edukattivi, huwa kruċjali f’termini tal-promozzjoni tal-valuri Ewropej, it-trawwim tat-tolleranza lejn il-minoranzi, it-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-ġlieda kontra l-preġudizzju u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali.

3.4.

Il-KESE jemmen ukoll li permezz tal-IPA III, għandha tiġi implimentata “aġenda ta’ koeżjoni soċjali” permezz ta’ titjib fl-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi edukattivi, u b’hekk tinstab soluzzjoni għan-nuqqas ta’ ħiliet u għan-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u jiġu indirizzati l-isfidi fis-suq tax-xogħol li jġib miegħu t-tibdil diġitali u teknoloġiku fl-ekonomija. L-appoġġ finanzjarju mtejjeb għal programmi ta’ edukazzjoni vokazzjonali u għal skemi ta’ apprendistat u skemi ta’ tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll involviment aktar mill-qrib tal-imsieħba soċjali fit-tfassil ta’ dawn, se jgħinu fl-indirizzar tan-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol, u jnaqqsu l-livelli għoljin ta’ qgħad kif ukoll in-numru ta’ postijiet tax-xogħol battala.

3.5.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti mekkaniżmi permezz tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għall-ġlieda kontra l-faqar u biex jingħata aċċess għas-suq tax-xogħol, speċjalment liż-żgħażagħ, in-nisa u l-gruppi ta’ minoranza, u b’hekk jiġu evitati l-emigrazzjoni u l-eżodu ta’ mħuħ.

3.6.

Il-KESE iqis li l-approfondiment u t-twessigħ tad-djalogu soċjali huwa prerekwiżit sine qua non għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku. L-imsieħba soċjali għandu jkollhom rwol importanti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki.

3.7.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li t-tisħiħ tal-kapaċità biex tissaħħaħ l-istabbiltà makroekonomika u l-appoġġ għall-progress lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona bil-kapaċità li tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u mal-forzi tas-suq fl-Unjoni għandhom ikunu prijorità fil-kandidati u l-kandidati potenzjali kollha waqt id-distribuzzjoni tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni. Madankollu, il-livell tan-negozju fl-ekonomiji tal-benefiċjarji tal-IPA III jirrikjedi ukoll attenzjoni speċjali. L-intraprenditorija, l-impjieg indipendenti, l-SMEs u l-mikrofinanzjament, m’għandhomx jiġu traskurati.

3.8.

Il-KESE jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lit-titjib tal-orjentazzjoni tas-suq tas-settur privat u lill-kompetittività tal-intrapriżi privati permezz tad-distribuzzjoni tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni.

3.9.

Il-KESE jemmen li l-għotjiet operattivi li jkopru mill-anqas 36 xahar għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) għandhom ikunu disponibbli fi ħdan l-IPA III.

3.10.

Il-KESE jqis li l-impatt ta’ skemi żgħar ta’ għoti mill-ġdid li jindirizzaw il-livell rurali/lokali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili żgħar taħt l-IPA II għandu jiżdied aktar, speċjalment permezz ta’ involviment aktar approfondit tas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha tal-ippjanar għal kull waħda mill-iskemi ta’ għoti mill-ġdid.

3.11.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tingħata għajnuna permezz tal-istituzzjonijiet tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni biex jiffaċilitaw it-teknoloġiji diġitali u d-distribuzzjoni, jipproteġu l-ambjent u jistabbilixxu l-ogħla standards ta’ sikurezza nukleari.

3.12.

Il-KESE jemmen ukoll li l-formazzjoni ta’ istituzzjonijiet li jippromovu aċċess ugwali għall-edukazzjoni tat-tfal, l-iżvilupp tal-edukazzjoni vokazzjonali, it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni għolja u t-titjib tat-tagħlim tul il-ħajja, u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi/korpi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol, il-proċeduri għal negozjar kollettiv u għal soluzzjoni ta’ tilwim tax-xogħol u djalogu strutturat bejn l-imsieħba soċjali, għandhom jingħataw prijorità f’termini tal-kisba tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni.

4.   L-adozzjoni tal-politiki u l-acquis tal-UE

4.1.

Il-KESE huwa konxju li hemm diverġenza kbira bejn l-istandards tal-UE u dak li japplika għall-kandidati u l-kandidati potenzjali kollha.

4.2.

Il-KESE jemmen li għandha tingħata importanza lill-promozzjoni tal-allinjament ta’ standards, politiki u prattiki ta’ kandidati u kandidati potenzjali ma’ dawk tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

4.3.

Il-KESE jenfasizza li, minbarra l-armonizzazzjoni mal-parti leġislattiva tal-acquis communautaire, il-kandidati u l-kandidati potenzjali jeħtieġ li jsiru familjari u possibbilment jarmonizzaw ruħhom ma’ politiki li bħalissa qed jiġu diskussi u żviluppati fi ħdan l-UE, bħal pereżempju l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) tan-NU u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE fir-rigward ta’ flussi ta’ refuġjati u migranti u l-kontroll fuq il-fruntiera integrat.

5.   Relazzjonijiet ta’ viċinat tajbin u rikonċiljazzjoni

5.1.

Il-kandidati u l-kandidati potenzjali tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija għadhom qed jintlaqtu mill-impatti negattivi tal-gwerra u tal-kunflitt, mill-mibegħda razzjali, mill-movimenti irredentisti u minn kunflitti ffriżati li jistgħu jerġgħu jinqalgħu. Hemm bżonn li tiġi mħeġġa bil-qawwa s-soluzzjoni tal-aktar kwistjonijiet bilaterali urġenti qabel l-adeżjoni tagħhom mal-UE, għalkemm l-enfasi fuq is-soluzzjonijiet tal-kwistjonijiet pendenti kollha tista’ ttawwal dan il-proċess. L-inkoraġġiment tal-bini mill-ġdid tal-kummerċ tagħhom u ta’ relazzjonijiet ekonomiċi oħra jistgħu jikkontribwixxu għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u għat-tkabbir ekonomiku.

5.2.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi minn istituzzjonijiet edukattivi u kulturali statali, l-akkademja u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-oqsma tar-rikonċiljazzjoni, tar-relazzjonijiet ta’ viċinat tajbin u tal-adozzjoni ta’ approċċ kritiku lejn il-passat.

5.3.

Il-KESE jenfasizza li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali, inklużi l-assoċjazzjonijiet professjonali, u t-tħeġġiġ tan-netwerking fil-livelli kollha fost organizzazzjonijiet ibbażati fl-UE u dawk tal-benefiċjarji, għandhom jiffaċilitaw il-proċess tal-integrazzjoni.

5.4.

Il-KESE jemmen li l-IPA III għandu jipprovdi finanzjament għall-OSĊ li għandhom l-għan li jtejbu l-ispazju ċiviku għall-involviment u l-parteċipazzjoni. L-appoġġ għall-infrastruttura tas-soċjetà ċivili u għall-pjattaformi u n-netwerks tematiċi reġjonali tas-soċjetà ċivili għandu jiġi estiż fl-IPA III.

6.   Kooperazzjoni reġjonali

6.1.

In-netwerks tal-enerġija u tat-trasport għandhom ikunu fattur għall-iżvilupp u l-interkonnettività tar-reġjun. Dan jiżgura li ċ-ċittadini u ċ-ċittadini potenzjali tal-Balkani tal-Punent u tat-Turkija jingħataw idea ċara tal-benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-adeżjoni mal-UE. Pereżempju, l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar enerġetiku huma fatturi li jiġġeneraw attività għan-negozji u joħolqu impjiegi ekoloġiċi kif ukoll tradizzjonali.

6.2.

Il-KESE jemmen li fl-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għandha tingħata prijorità lil istituzzjonijiet u inizjattivi li joħolqu konnessjonijiet bejn il-kandidati u l-kandidati potenzjali fl-oqsma tal-enerġija, il-komunikazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-innovazzjoni, it-trasport u l-protezzjoni tal-ambjent. Il-każ ta’ kooperazzjoni bejn il-bliet ta’ Kula fil-Bulgarija u Boljevac fis-Serbja li xtaqu jixtru vetturi speċjalizzati, drones ta’ sorveljanza u tagħmir ta’ protezzjoni personali biex jikkumbattu n-nirien fil-foresti jista’ jkun eżempju ta’ prattika tajba (7).

6.3.

Il-KESE jappoġġja t-Trattat tal-Komunità tat-Trasport iffirmat mill-UE u mill-kandidati u l-kandidati potenzjali tal-Balkani tal-Punent fit-12 ta’ Lulju 2017 u jħeġġeġ lill-partijiet biex jiżviluppawh aktar. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-imsieħba tal-Balkani tal-Punent għandhom jikkonċentraw l-investimenti tagħhom fuq il-konnessjoni bejn in-Netwerk Ewlieni TEN-T tal-UE u l-infrastruttura tal-Balkani tal-Punent. Għaldaqstant issa hemm il-ħtieġa għal programm komuni, flimkien mal-identifikazzjoni tal-fondi disponibbli u d-definizzjoni ta’ skeda ta’ żmien komuni.

6.4.

It-titjib tal-infrastruttura se jnaqqas l-ispejjeż tat-trasport u tal-enerġija u se jiffaċilita investimenti kbar fiż-żona, kif ukoll jiffaċilita l-kummerċ intrareġjonali. Barra minn hekk, il-promozzjoni tat-titjib diġitali u t-tnaqqis gradwali tat-tariffi tar-roaming fil-Balkani tal-Punent se jikkontribwixxu għall-iżvilupp tan-negozju, żieda fil-produttività u titjib fil-kwalità tal-ħajja. Madankollu, in-nuqqas ta’ infrastruttura mhuwiex l-ostaklu ewlieni għall-kooperazzjoni bejn l-imsieħba tal-Balkani tal-Punent. L-ostilitajiet tal-passat u t-tilwim pendenti li għadu mhux solvut bejniethom illimitaw l-ambitu u l-kontenut għall-kooperazzjoni. Dan jista’ jiġi rimedjat parzjalment billi l-IPA jinkoraġġixxi proġetti ta’ kooperazzjoni transkonfinali tal-IPA.

6.5.

Il-midja u forom oħra ta’ komunikazzjoni jeħtieġ jintużaw sabiex jiġu enfasizzati l-preżenza u s-sinifikat tal-attivitajiet tal-UE fil-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali. Barra minn hekk, il-kapaċità tal-uffiċjali taċ-ċivil lokali fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni tal-proġetti jeħtieġ tiġi żviluppata fi ħdan il-proċess kollu tal-adeżjoni mal-UE.

7.   Kummenti speċifiċi dwar l-abbozz ta’ Regolament tal-IPA III

7.1.

Il-KESE jemmen li l-proposta qed tibni fuq il-kisbiet u t-tagħlimiet miksuba matul il-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti, u jikkunsidra li hija tajba biex twettaq l-objettivi tagħha. Madankollu, itenni li l-kandidati u l-kandidati potenzjali huma esposti għal sfidi pjuttost differenti meta mqabbla mal-Istati Membri u li għalhekk hija essenzjali flessibbiltà kbira.

7.2.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-objettivi ddikjarati tal-IPA III, iżda jixtieq jenfasizza li l-effetti diretti huma diffiċli biex jiġu osservati f’qasir żmien. Għalhekk jirrakkomanda li l-valur miżjud tal-interventi futuri jiġi vvalutat bir-reqqa f’termini tal-firxa tal-impenn, l-influwenza politika u l-promozzjoni għall-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji. Għandu jintwera apprezzament għall-fatt li l-appoġġ baġitarju mogħti fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali kien katalist għall-bidla istituzzjonali u għal djalogu politiku msaħħaħ fil-pajjiżi li bbenefikaw (eż. is-Serbja, il-Montenegro u l-Albanija).

7.3.

Meta wieħed iżomm f’moħħu s-sitwazzjoni diffiċli tal-maġġoranza l-kbira tal-benefiċjarji, il-KESE jirrakkomanda li tiġi pprovduta biżżejjed semplifikazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment tar-rekwiżiti tad-dokumenti u li tingħata attenzjoni biex tiġi appoġġjata u żgurata r-responsabbiltà għar-riżultati mill-benefiċjarji. Għal dak il-għan, għandhom jitkomplew l-isforzi biex il-modalità ta’ ġestjoni indiretta mal-pajjiż benefiċjarju tiġi żviluppata aktar, filwaqt li tkun akkumpanjata minn azzjonijiet ta’ bini ta’ kapaċità sabiex tgħin lill-partijiet interessati jinvolvu ruħhom b’mod kostruttiv fil-proċess ta’ programmazzjoni ġenerali.

7.4.

Il-KESE jara l-ħtieġa għat-tisħiħ tal-komplementarjetà tal-IPA III mal-azzjonijiet iffinanzjati taħt sorsi oħra ta’ finanzjament fil-kandidati u l-kandidati potenzjali.

7.5.

Il-KESE jissuġġerixxi li jittieħdu miżuri speċjali matul il-proċess tan-negozjati fil-livell nazzjonali fil-kandidati u l-kandidati potenzjali biex jegħlbu d-dewmien, il-konġestjonijiet u l-ineffiċjenzi kroniċi li ħarġu matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali. Naturalment, għandhom jitqiesu kemm l-iskala relattivament limitata tal-fondi tal-IPA meta mqabbla mal-baġits nazzjonali f’xi wħud mill-benefiċjarji kif ukoll il-ħtieġa għal kunsens stabbli bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet nazzjonali tagħhom, u dawn għandhom ikunu l-bażi għad-djalogu politiku.

8.   L-aħjar prattiki

8.1.

Il-mudelli tal-applikazzjoni: Hemm ħtieġa għal aktar semplifikazzjoni u speċjalment unifikazzjoni fi ħdan l-IPA iżda wkoll fir-rigward ta’ donaturi oħra u rekwiżiti tal-leġislazzjoni nazzjonali. Hemm wisq linji gwida u struzzjonijiet – hemm lok għal unifikazzjoni, bl-ispeċifiċitajiet imbagħad jiġu mqassra f’kapitolu separat.

8.2.

Il-kwalifiki, l-għarfien u l-ħiliet tal-awtoritajiet kontraenti jeħtieġ jittejbu, inkluż il-korpi ta’ kontroll/verifika, speċjalment f’każijiet fejn xi kwistjoni tkun tirrikjedi interpretazzjoni u ħafna ħin biex jingħata rispons.

8.3.

Taħt xi skemi ta’ għotjiet hemm rekwiżiti eċċessivi li jikkonċernaw l-analiżi tal-ambjent tal-proġett, is-sitwazzjoni fir-reġjuni, eċċ. li huma esiġenti ħafna fuq l-applikanti ordinarji. Din tista’ taħdem bil-kontra. L-amministrazzjonijiet kontraenti jistgħu jqabbdu esperti biex iwettqu analiżijiet bħal dawn u jivvalutaw il-vijabbiltà ta’ proġett.

8.4.

Approċċ aktar faċli għall-applikanti: il-pakketti tal-applikazzjoni jistgħu jiġu rieżaminati minn qabel jew ikkonsultati minn uffiċjali mill-amministrazzjonijiet rispettivi (jew fornituri ta’ assistenza teknika) u għandu jingħata aktar żmien għall-konformità mar-rekwiżiti amministrattivi.

8.5.

L-emendi għall-kuntratt: għandhom jiġu żgurati l-flessibbiltà u l-ipproċessar aktar mgħaġġel. Normalment programm huwa ddefinit fuq sena jew sentejn, u wara jsegwi proċess twil tal-applikazzjoni; għalhekk se jkunu meħtieġa mezzi flessibbli biex jiġu emendati l-kuntratti.

8.6.

Ir-relazzjonijiet pubbliċi, l-immarkar u l-viżibbiltà: hemm lok għal semplifikazzjoni u ottimizzazzjoni tar-rekwiżiti. Barra minn hekk, jeħtieġ tiżdied il-viżibbiltà tal-proġetti ffinanzjati mill-UE.

8.7.

L-Iskedi Informattivi tas-Settur u tal-Proġett dwar il-valuri mmirati tal-indikaturi għandhom jiġu mmodifikati sabiex jiġu sinkronizzati mal-perjodu ta’ implimentazzjoni attwali.

8.8.

Il-Kuntratti ta’ Riforma tas-Settur se jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ riformi fil-politika u għall-kisba ta’ riżultati speċifiċi għas-settur. Il-miżuri possibbli li għandhom jittieħdu fl-IPA III huma: l-involviment ta’ persunal imħarreġ fl-istruttura operattiva; il-provvista ta’ appoġġ tekniku, adegwat u kontinwu għall-istruttura operattiva. Għandha tittejjeb l-appartenenza tal-partijiet interessati ewlenin b’rabta mal-proċess. L-isfidi tal-programmazzjoni: is-sekwenzar tal-kuntratti fil-programm jista’ jwassal għall-ksur tad-data tal-iskadenza tal-kuntratt u, sussegwentement, jistgħu jinqalgħu ħafna kwistjonijiet fil-proċess tal-implimentazzjoni.

8.9.

Ir-riskji potenzjali li tfaċċaw matul il-perjodu ta’ rappurtar tal-IPA II urew li hemm bżonn li jiġu żgurati kemm impenn kif ukoll kooperazzjoni u koordinazzjoni interministerjali effiċjenti. Dan minħabba l-kumplessità tal-interventi u r-responsabbiltajiet kondiviżi bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali speċifiċi, meta jitqies li r-riformi previsti huma r-responsabbiltà ta’ setturi differenti tal-gvern.

8.10.

Il-problemi fit-tħejjija għall-akkwist/kuntrattar fil-livell tal-proġett jikkonsistu prinċipalment f’diffikultajiet fl-issodisfar tal-prekundizzjonijiet stabbiliti, l-isfidi fil-koordinazzjoni u s-sekwenzar mal-proġetti/kuntratti relatati l-oħra, iżda wkoll in-nuqqas ta’ kapaċità għall-preparazzjoni f’waqtha ta’ dokumentazzjoni tal-offerta ta’ kwalità.

8.11.

Mil-lat tal-kuntrattar, it-tagħlimiet ewlenin li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni aktar ’il quddiem huma: il-kapaċità insuffiċjenti minħabba ċaqliq fil-persunal fl-istituzzjonijiet benefiċjarji; il-kwalità baxxa tad-dokumentazzjoni sottomessa mill-benefiċjarji; in-nuqqas ta’ kompetenza speċjalizzata hands-on tal-benefiċjarji (in-house) għal proġetti kumplessi; il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-partijiet interessati ewlenin għall-proċess; is-sekwenzar tal-kuntratti fil-programm li jkun ta’ sfida u jista’ jwassal għall-ksur tal-kuntratt u/jew tal-iskadenza għall-implimentazzjoni; it-twettiq fil-ħin tal-prekundizzjonijiet, eċċ.

8.12.

Problema li ta’ sikwit titfaċċa hija d-diskrepanza bejn l-indikaturi kif inklużi fl-Iskedi Informattivi tas-Settur/Proġett tal-bidu u l-valuri sussegwenti sa tmiem il-perjodu ta’ rapportar tal-programm. Barra minn hekk, il-kwalità u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-indikaturi mhumiex adatti f’ċerti każijiet, u ma jippermettux li jsir monitoraġġ effiċjenti tal-implimentazzjoni tal-programm.

8.13.

Il-kontenut ta’ ċerti kuntratti li jkunu qed jiġu mmaniġġjati mill-awtoritajiet deċentralizzati jiddependi mir-riżultati tal-kuntratti preċedenti konklużi minn awtoritajiet kontraenti ċentrali. Għalhekk hemm riskju b’rabta mas-sejħiet għall-offerti u l-implimentazzjoni ta’ kuntratti li jkunu qed jiġu mmexxija minn awtoritajiet deċentralizzati.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni/L-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ĠU C 11, 15.1.2013, p. 77).

(2)  Il-prinċipji bażiċi tal-istrateġija tal-UE lejn il-Balkani tal-Punent ġew stabbiliti mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Frar 2018 fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent”, COM(2018) 65 final.

(3)  https://ec.europa.eu/europeaid/evaluation-instrument-pre-accession-assistance-ipa-ii-draft-report_en

(4)  Ara r-referenza fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(5)  http://www.europarl.europa.eu/legislative-train/theme-towards-a-new-policy-on-migration/file-eu-turkey-statement-action-plan

(*1)  Din id-deżinjazzjoni hija bla preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-KSNU 1244 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(6)  L-Opinjoni tal-KESE dwar il-Koeżjoni ekonomika u soċjali u l-integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent — sfidi u prijoritajiet (ĠU C 262, 25.7.2018, p. 15).

(7)  https://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/3/2018/EN/C-2018-3051-F1-EN-MAIN-PART-1.PDF


22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/163


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari”

(COM(2018) 460 final — 2018/0243 (COD))

(2019/C 110/29)

Relatur:

Cristian PÎRVULESCU

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 2.7.2018

Kummissjoni Ewropea, 12.7.2018

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 18.7.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

Artikolu 206 tat-Trattat Euratom

 

 

Sezzjoni kompetenti

Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

23.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

176/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali

1.1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja l-għanijiet ġenerali u speċifiċi tal-proposta u jqis li l-inizjattiva biex jiġu ssimplifikati l-istrumenti użati fir-rigward tal-pajjiżi tal-viċinat u tal-pajjiżi terzi hija milqugħa u utli. L-UE trid tibni relazzjoni kostruttiva, realistika u prammatika mal-viċinat u mal-pajjiżi terzi, fejn il-valuri għandhom jibqgħu ċentrali.

1.1.2.

Il-Kumitat jinnota d-determinazzjoni evidenti f’din il-proposta, min-naħa tal-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra u l-Istati Membri, biex jappoġġjaw l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, id-demokrazija u s-sistemi li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem. Il-funzjonament tal-istrument ġdid u konsolidat għandu jkun, fil-fażijiet kollha, mill-ippjanar sal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, immirat biex jippromovi l-valuri tal-UE, inklużi l-istat tad-dritt, l-integrità, il-pluraliżmu, id-demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. F’dan il-kuntest, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżid b’mod sinifikanti l-allokazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u programmi tematiċi tas-soċjetà ċivili.

1.1.3.

Il-Kumitat jappoġġja l-għan tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali li huwa li jiddefendi u jippromovi l-valuri u l-interessi tal-Unjoni madwar id-dinja sabiex isegwi l-għanijiet u l-prinċipji tal-azzjoni esterna tiegħu. Il-komunikazzjoni tiddikjara wkoll li meta jiġi implimentat dan ir-Regolament, il-konsistenza ma’ oqsma oħra ta’ azzjoni esterna u ma’ politiki rilevanti oħra tal-UE se tkun żgurata kif rifless fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (Aġenda 2030). Dan ifisser li jiġi kkunsidrat l-impatt tal-politiki kollha dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-livelli kollha – nazzjonali, fl-UE, f’pajjiżi oħra u fil-livell dinji.

1.1.4.

Il-Kumitat jieħu din l-opportunità biex ifakkar lill-Unjoni Ewropea li l-Aġenda 2030 tipprevedi dinja li fiha kull pajjiż, filwaqt li jitqiesu l-livelli differenti ta’ żvilupp u kapaċitajiet nazzjonali, igawdi tkabbir ekonomiku sostnut, inklużiv u sostenibbli, żvilupp soċjali, inkluż xogħol deċenti għal kulħadd, u protezzjoni ambjentali. Dinja fejn id-demokrazija, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt kif ukoll ambjent favorevoli fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, huma elementi essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli.

1.1.5.

Din ir-responsabbiltà ewlenija biex tappoġġja l-pjan ta’ azzjoni tal-Aġenda 2030 għan-nies, għall-pjaneta u għall-prosperità tirrikjedi enfasi akbar fuq l-istrumenti ta’ appoġġ, u kif dawn jiġu organizzati u jorbtu mar-realtajiet diffiċli tal-politika globali. Is-simplifikazzjoni u l-unifikazzjoni tal-istrumenti użati tikkostitwixxi pass kbir ’il quddiem lejn azzjoni effiċjenti u orjentata lejn il-prijoritajiet biex jintlaħqu l-għanijiet proposti. L-UE spiss tkun f’pożizzjoni biex taġixxi b’mod deċiżiv b’appoġġ għall-aktar gruppi u individwi vulnerabbli. Din hija responsabbiltà li għandha tinżamm u tintrefa’ kif xieraq.

1.1.6.

Il-pajjiżi tal-viċinat u l-pajjiżi terzi jiffaċċjaw għadd ta’ problemi kbar, diversi u li jikkoinċidu. Fil-klima globali attwali, li fiha r-riformi li jippromovu d-demokratizzazzjoni, l-istabbilizzazzjoni politika u l-iżvilupp ekonomiku jidhru li waqfu, l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha minflok ma tabbandunahom. Għandha żżomm kuntatt permanenti mal-gvernijiet ta’ pajjiżi ġirien u pajjiżi terzi, timmotivahom u tħeġġiġhom biex jikkooperaw b’mod responsabbli. Ir-relazzjonijiet tagħha bbażati fuq sħubija ma’ dawn il-gvernijiet għandhom ikunu solidi, assertivi u mmirati sew lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies li jgħixu hemm.

1.1.7.

Il-Kumitat huwa favur li l-UE tkun proattiva minn issa sal-2030, biex issostni t-tmiem tal-faqar u l-ġuħ; biex tiġġieled l-inugwaljanzi fi ħdan kif ukoll fost il-pajjiżi; biex tibni soċjetajiet paċifiċi, ġusti u inklużivi; biex tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u tippromovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tan-nisa u l-bniet; u biex tiżgura l-protezzjoni dejjiema tal-pjaneta u tar-riżorsi naturali tagħha.

1.1.8.

Il-Kumitat jilqa’ l-inizjattiva f’din il-proposta biex jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri u tiffoka aktar fuq l-għanijiet politiċi u l-impenn lejn l-imsieħba esterni. Il-Kumitat jilqa’ u jappoġġja l-avvanzi sinifikanti li tressqu fil-proposta: simplikazzjoni u flessibiltà akbar u monitoraġġ aħjar tar-riżultati.

1.1.9.

Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-poteri baġitarji u ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew jiġu estiżi wara l-inkorporazzjoni tal-attivitajiet attwalment iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) fil-baġit tal-UE.

1.1.10.

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tibni fuq il-kisbiet u l-avvanzi li saru bl-istrumenti preċedenti. Pereżempju, l-Istrument għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxa id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali kollha, u ppromova d-djalogu soċjali (1). L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiġġieldu għal-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u proċessi elettorali ġusti kienu appoġġjati minkejja l-attitudni ostili ta’ xi gvernijiet lejhom. Dan l-impenn għandu jinżamm u jitmexxa ’l quddiem.

1.1.11.

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-proċessi demokratiċi u elettorali fil-viċinat u fil-pajjiżi terzi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti prijorità lill-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet elettorali indipendenti u b’saħħithom. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni ta’ Venezja, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE u n-netwerks ta’ esperti elettorali sabiex jagħtu sustanza lill-appoġġ kruċjali tagħhom lejn proċessi elettorali ġusti u solidi.

1.1.12.

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jikkooperaw bis-sħiħ, abbażi tar-relazzjoni twila tagħhom mal-viċinat u mal-pajjiżi terzi, sabiex itejbu r-riżultati tal-funzjonament tal-istrument.

1.1.13.

Il-Kumitat jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet li tressqu fl-Opinjoni mill-Kumitat tar-Reġjuni u jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tiżgura fil-każijiet kollha li l-partijiet interessati rilevanti, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, jiġu debitament ikkonsultati u jkollhom aċċess f’waqtu għal informazzjoni rilevanti li tippermetti li jkollhom rwol sinifikanti matul it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-proċess ta’ monitoraġġ assoċjat tal-programmi. Il-Kumitat jenfasizza wkoll li d-demokrazija fil-livell subnazzjonali għandha tkun inkluża fil-prinċipji gwida, peress li l-livell lokali u reġjonali huwa fejn iċ-ċittadini jistgħu jesperjenzaw id-demokrazija b’mod l-aktar dirett.

1.2.   Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari

1.2.1.

Fir-rigward tal-Istrument Ewropew għas-Sikurezza Nukleari, wara l-katastrofi nukleari ta’ Fukushima, deher perfettament ċar li l-problemi u r-riskji tal-użu tal-enerġija nukleari huma globali. Sfortunatament, il-proposta ma tindirizzax fil-livell strateġiku u politiku d-domanda leġittima għall-ippjanar fit-tul għall-enerġija nukleari li ġejja miċ-ċittadini, mis-soċjetà ċivili, u mis-settur tan-negozju.

1.2.2.

Il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi attivitajiet fil-qasam nukleari li huma konformi mal-politika ta’ żvilupp u kooperazzjoni internazzjonali għas-saħħa, l-agrikoltura, l-industrija u l-proġetti soċjali li jindirizzaw il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe inċident nukleari. Madankollu, mhuwiex ċar kif il-baġit disponibbli u s-sitwazzjonijiet istituzzjonali fis-seħħ jistgħu jwasslu għal din l-intenzjoni fil-prattika.

1.2.3.

Ir-rwol tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika huwa essenzjali u l-aġenzija għandha tiehu responsabbiltà sabiex tiżgura t-trasparenza u twissija bikrija fir-rigward tal-iżvilupp ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ġodda mad-dinja kollha. L-UE għandha tikkoopera bis-sħiħ mal-istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet globali sabiex jippromovu s-sikurezza nukleari.

1.2.4.

Huwa neċessarju li jiġġeddu l-isforzi biex jiġi żgurat li siti eżistenti u ppjanati fil-viċinat Ewropew joperaw bi standards għoljin ta’ trasparenza u sikurezza. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġjaw dan l-għan u jagħmlu s-sikurezza nukleari għan ewlieni fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali mal-pajjiżi msieħba.

1.2.5.

Barra minn hekk, meta jitqiesu l-isfidi globali ewlenin relatati mal-enerġija nukleari, u l-preżenza ta’ numru għoli ta’ siti ta’ enerġija nukleari fil-viċinat tiegħu, il-Kumitat iqis il-pakkett finanzjarju previst għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-perjodu 2021 – 2027 ta’ EUR 300 miljun fil-prezzijiet attwali bħala insuffiċjenti ħafna.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.   Sfond tal-proposta — L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali

2.1.1.

Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet ewlenin u l-qafas baġitarju kumplessiv għall-programmi ta’ azzjoni esterna tal-UE taħt l-intestatura “Viċinat u d-Dinja”, inkluż l-istabbiliment tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali.

2.1.2.

Permezz ta’ din il-proposta, l-UE se tkompli tkun kapaċi taqdi rwol attiv fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, fil-prosperità, fl-istabbilizzazzjoni, fl-iżvilupp, fis-sigurtà, fil-ġlieda kontra l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari, fil-kummerċ, fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fil-ħarsien tal-ambjent, fost kwistjonijiet oħra. Madankollu, hija se tkun tista’ tagħmel dan b’mod aktar komprensiv filwaqt li tipprovdi aktar flessibbiltà biex tieħu r-riżorsi fejn ikunu meħtieġa hekk kif jinbideli l-kuntest internazzjonali.

2.1.3.

Din il-proposta tipprovdi qafas ta’ abilitazzjoni li permezz tiegħu jistgħu jiġu implimentati l-politiki u l-obbligi tal-azzjoni esterna. L-obbligi internazzjonali jinkludu l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa, il-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri (2015-2030) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2282 (2016) dwar iż-żamma tal-paċi. Fl-UE, il-qafas ta’ politika jinkludi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-azzjoni esterna, li huma definiti ulterjorment fl-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid, is-Sħubija UE-Afrika mġedda u l-Politika Ewropea tal-Viċinat rieżaminata, fost dokumneti politiċi oħrajn. Ir-Regolament se jikkostitwixxi wkoll il-qafas għall-implimentazzjoni tas-sħubija suċċessur tal-Ftehim ta’ Cotonou attwali, li se tistabbilixxi assoċjazzjoni u sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

2.1.4.

Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-biċċa l-kbira tal-istrumenti apparti minn dawk ta’ natura speċifika ħafna bħall-għajnuna umanitarja bil-prinċipju tan-newtralità tagħha jistgħu jingħaqdu fi strument wieħed, jiġifieri: ir-Regolament Komuni ta’ Implimentazzjoni, l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Mandat ta’ Self Estern, l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Fond ta’ Garanzija, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, u l-Istrument ta’ Sħubija. Dawk l-istrumenti li għandhom jibqgħu separati huma: l-istrument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni; l-għajnuna umanitarja; il-baġit tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni; il-pajjiżi u territorji extra-Ewropej inkluż Greenland; il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE; l-iskema tal-voluntiera tal-għajnuna tal-UE; l-appoġġ għall-komunità Ċiprijotta Torka; ir-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza; u l-Faċilità Ewropea l-ġdida għall-Paċi.

2.1.5.

Is-simplifikazzjoni ta’ għadd ta’ strumenti fi strument wieħed wiesa’ se tipprovdi opportunità għar-razzjonalizzazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni u sorveljanza u b’hekk jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-Istati Membri. Minflok ma jiffukaw fuq ħafna proċessi ta’ programmazzjoni, id-dibattiti jkunu aktar iffukati fuq l-għanijiet politiċi u l-involviment mal-imsieħba esterni. Barra minn hekk, l-azzjonijiet li jirċievu finanzjament kumulattiv minn programmi differenti tal-Unjoni se jiġu awditjati darba biss, u jkunu koperti l-programmi involuti kollha u r-regoli applikabbli rispettivi tagħhom.

2.1.6.

Is-simplifikazzjoni ma tfissirx li jkun hemm anqas skrutinju jew akkontabbiltà. Il-bilanċ interistituzzjonali jiġi ppreservat b’mod sħiħ. Pjuttost, is-setgħat baġitarji u ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew jiġu estiżi bl-inkorporazzjoni fil-baġit tal-UE tal-attivitajiet attwalment iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

2.1.7.

Il-pakkett finanzjarju għandu jikkonsisti fi:

(a)

EUR 68 000 miljun għall-programmi ġeografiċi:

għall-Viċinat tal-UE mill-anqas EUR 22 000 miljun;

għall-Afrika Sub-Saħarjana mill-anqas EUR 32 000 miljun;

għall-Asja u l-Paċifiku EUR 10 000 miljun;

għall-Kontinent Amerikan u l-Karibew EUR 4 000 miljun;

(b)

EUR 7 000 miljun għall-programmi tematiċi:

għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija EUR 1 500 miljun;

għall-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili EUR 1 500 miljun;

għall-Istabbiltà u l-Paċi EUR 1 000 miljun;

għall-Isfidi Dinjija EUR 3 000 miljun;

(c)

EUR 4 000 miljun għal azzjonijiet ta’ rispons rapidu.

2.1.8.

Ir-riżerva ta’ EUR 10 200 miljun għall-isfidi u l-prijoritajiet emerġenti se żżid l-ammonti msemmija fl-Artikolu 6(2) skont l-Artikolu 15.

2.1.9.

Il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, b’mod partikolari l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati, il-pajjiżi b’introjtu baxx, il-pajjiżi f’sitwazzjoni ta’ kriżi, ta’ wara kriżi u f’sitwazzjonijiet fraġli u vulnerabbli, inkluż Stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, għandhom jingħataw prijorità fil-proċess tal-allokazzjoni tar-riżorsi.

2.1.10.

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Paċi u għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, kif ukoll l-azzjonijiet ta’ reazzjoni rapida, huma miftuħa għall-pajjiżi kollha minħabba l-interess tal-Unjoni li jkollha l-akbar offerta possibbli fid-dawl tal-ambitu mondjali tal-azzjonijiet, iċ-ċirkostanzi diffiċli li fihom tingħata l-għajnuna u l-ħtieġa ta’ azzjoni rapida. Organizzazzjonijiet internazzjonali huma eliġibbli wkoll.

2.1.11.

Il-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp (“il-Kunsens”), iffirmat fis-7 ta’ Ġunju 2017, jipprovdi l-qafas għal approċċ komuni dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw l-Aġenda 2030 u l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa. Il-qerda tal-faqar, l-indirizzar tad-diskriminazzjonijiet u l-inugwaljanzi, li ħadd ma jitħalla lura huma u t-tisħiħ tar-reżiljenza jinsabu fil-qalba tal-politika tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

2.1.12.

B’mod partikolari, kif miftiehem fil-Kunsens, l-azzjonijiet permezz ta’ dan ir-Regolament huma mistennija li jikkontribwixxu 20 % tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp iffinanzjata skont dan ir-Regolament għall-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem, inklużi l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa.

2.1.13.

Sabiex ikun żgurat li r-riżorsi jmorru fejn hemm l-akbar ħtieġa, speċjalment għand il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati u l-pajjiżi f’sitwazzjoni ta’ fraġilità u kunflitt, dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-mira kollettiva li sa 0,20 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni jmur lejn il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati fil-perjodu tal-Aġenda 2030.

2.1.14.

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jirrifletti l-ħtieġa ta’ konċentrazzjoni fuq prijoritajiet strateġiċi, kemm ġeografikament — il-Viċinat Ewropew u l-Afrika, kif ukoll pajjiżi li huma fraġli u li huma l-aktar fil-bżonn, iżda wkoll tematikament — is-sigurtà, il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem.

2.1.15.

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat, kif riveduta fl-2015, hija mmirata lejn l-istabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien u t-tisħiħ tar-reżiljenza, b’mod partikolari billi jiġu bbilanċjati t-tliet dimensjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli: ekonomika, soċjali u ambjentali. Sabiex tilħaq l-objettiv tagħha, il-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta kienet qed tiffoka fuq erba’ oqsma ta’ prijorità: il-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, b’fokus partikolari fuq aktar involviment mas-soċjetà ċivili; l-iżvilupp ekonomiku; is-sigurtà; il-migrazzjoni u l-mobilità, inkluż l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostament sfurzat.

2.1.16.

Filwaqt li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa jenħtieġ li jiġu riflessi matul l-implimentazzjoni kollha ta’ dan ir-Regolament, l-assistenza tal-Unjoni permezz tal-programmi tematiċi għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jenħtieġ li jkollha rwol speċifiku komplementari u addizzjonali minħabba n-natura dinjija tagħha, u l-indipendenza tal-azzjoni tagħha mill-kunsens tal-gvernijiet u tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiżi terzi kkonċernati.

2.1.17.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jenħtieġ li jinkludu firxa wiesgħa ta’ atturi bi rwoli u mandati differenti li jinkludi l-istrutturi kollha mhux Statali, mhux għall-profitt, mhux partiġġjani u mhux vjolenti, li bihom persuni jorganizzaw ruħhom sabiex isegwu għanijiet u ideali komuni, sew politiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi. Huma joperaw mil-livell lokali sal-livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, u jinkludu organizzazzjonijiet urbani u rurali, formali u informali.

2.1.18.

Dan ir-Regolament għandu jippermetti lill-Unjoni tirrispondi għall-isfidi, il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet relatati mal-migrazzjoni, f’komplementarjetà mal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-impenn tagħha għall-Aġenda 2030. Dan l-impenn (SDG 10.7) jirrikonoxxi l-kontribut pożittiv tal-migranti għal tkabbir inklużiv u żvilupp sostenibbli; jirrikonoxxi li l-migrazzjoni internazzjonali hija realtà multidimensjonali ta’ rilevanza kbira għall-iżvilupp ta’ pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni, li tirrikjedi tweġibiet koerenti u komprensivi; u jimpenja ruħu li jikkoopera fuq livell internazzjonali biex jiżgura migrazzjoni sikura, ordnata u regolari li tinvolvi rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u t-trattament uman tal-migranti irrispettivament mill-istatus tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u ta’ persuni spostati. Din il-kooperazzjoni għandha ssaħħaħ ukoll ir-reżiljenza tal-komunitajiet li jospitaw lir-refuġjati.

2.2.   Kummenti speċifiċi

2.2.1.

L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) jipprovdu bażi tajba biex tiżdied il-konsistenza bejn il-politiki interni u esterni u l-Kumitat jikkunsidra li l-enfasi fuq SDGs 16.3, 16.6 u 16.7, il-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istituzzjonijiet trasparenti u t-teħid ta’ deċiżjonijiet parteċipattiv u rappreżentattiv huma importanti biex jgħaqqdu l-isforzi u jagħtuhom direzzjoni strateġika.

2.2.2.

L-istrument il-ġdid għandu l-vantaġġ li jippromovi l-konsistenza ta’ miżuri u azzjonijiet esterni. Din il-konsistenza għandha tiġi promossa kemm fil-livell tal-governanza Ewropea tal-istrument kif ukoll fil-livell tal-pajjiżi tal-viċinat u tal-pajjiżi terzi. L-amministrazzjonijiet ċentrali u lokali ta’ dawn il-pajjiżi mhumiex mgħammra bl-istess mod biex jikkoordinaw u jimplimentaw il-programmi. Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti għall-koordinazzjoni tad-diversi attivitajiet fil-livell ta’ kull gvern bl-għajnuna tal-UE u bl-appoġġ u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet ikkonċernati soċjali.

2.2.3.

Il-firxa ta’ sfidi u ħtiġijiet fil-pajjiżi msieħba tfisser li hemm bżonn ta’ proċessi tal-ippjanar aktar b’saħħithom għal kull pajjiż. Dan huwa rikonoxxut fil-Mezzi ta’ Implimentazzjoni tal-Aġenda tal-2030 u l-SDG 17 li jiddikjaraw li “L-iskala u l-ambizzjoni tal-Aġenda l-ġdida jirrikjedu Sħubija Globali rivitalizzata sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħha. Din is-Sħubija se taħdem fi spirtu ta’ solidarjetà globali. Se tiffaċilita involviment globali intensiv favur l-implimentazzjoni tal-għanijiet u l-miri kollha, li jgħaqqad gvernijiet, is-settur privat, is-soċjetà ċivili u atturi oħra u jimmobilizza r-riżorsi kollha disponibbli”.

2.2.4.

Il-Kumitat jemmen li għandu jiġi stabbilit proċess bħal dan u l-proċess għandu jiġġenera pjan integrat għal kull pajjiż, li jkun suġġett għal kunsens politiku u prijorità għal-livell amministrattiv. Dan il-pjan, fil-prattika, se jiżgura sinerġiji u komplementaritajiet, u jgħin biex jiġu identifikati l-miżuri u l-impatt tal-appoġġ Ewropew fil-pajjiżi msieħba.

2.2.5.

Il-Kumitat iqis li l-isforzi biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi u finanzjarji għandhom ikunu prijorità, sabiex jagħmluha aktar faċli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għall-awtoritajiet lokali biex ikollhom aċċess għall-appoġġ finanzjarju tal-UE.

2.2.6.

Il-Kumitat jappoġġja l-pożizzjoni li l-ammont allokat għall-azzjoni esterna m’għandux ikun anqas mis-somma tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u tal-istrumenti l-oħra ta’ finanzjament estern flimkien. Jaqbel ukoll mat-trasferiment tal-flessibbiltajiet tal-FEŻ għall-baġit tal-UE.

2.2.7.

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-SDG 16, speċifikament l-istruttura ta’ governanza tal-istrument il-ġdid u tal-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdanha. Bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea, b’għarfien espert u b’rabtiet f’ħafna pajjiżi tal-viċinat u pajjiżi terzi, il-Kumitat joffri li jkollu rwol f’dan l-istrument, fil-fażijiet kollha tal-miżuri u l-proġetti tiegħu.

2.2.8.

Il-Kumitat jittama li s-sostituzzjoni tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem eżistenti, li jappoġġja l-SDG 16, speċifikament b’interventi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tad-demokrazija f’pajjiżi terzi, bl-ebda mod ma taffettwa l-kopertura u l-istruttura ta’ dawk il-miżuri, iżda pjuttost issaħħaħhom.

2.2.9.

Il-Kumitat japprezza li hemm ħtieġa urġenti għal azzjoni fil-livell nazzjonali u internazzjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jappoġġja l-għan tal-UE li jiddedika mill-inqas 25 % tal-baġit tagħha għal dan l-iskop.

2.2.10.

Il-Kumitat irid itenni d-dikjarazzjoni tal-Aġenda 2030 dwar l-interkonnessjonijiet u n-natura integrata tal-SDGs li huma ta’ importanza kruċjali biex jiżguraw li l-għan ta’ din l-Aġenda jitwettaq. Nirrakkomandaw l-istabbiliment ta’ programmi trażversali, li jkopru bosta oqsma ta’ azzjoni rilevanti u jkunu jistgħu jagħtu riżultati tanġibbli fil-pajjiżi terzi individwali. Pereżempju, it-tibdil fil-klima qed jaffettwa ħażin l-attivitajiet agrikoli fl-Afrika sub-Saħarjana. Il-fatt li mhux possibbli li tinħadem l-art qed iwassal għat-tifrik tal-komunitajiet u jikkostitwixxi kawża ewlenija ta’ migrazzjoni lejn l-Ewropa. Fil-prattika, dawn il-persuni jistgħu jitqiesu bħala “refuġjati minħabba l-klima”, u dan jirrikjedi rispons kumpless, li fil-qalba tiegħu għandu jkun hemm it-twaqqif tad-deżertifikazzjoni, kif ukoll it-tnedija ta’ programmi ta’ appoġġ kemm għal dawk li qeghdin fir-riskju kif ukoll għal dawk li ddeċidew li jemigraw.

2.2.11.

Il-pajjiżi terzi li huma wkoll pajjiżi ta’ oriġini għall-migranti u r-refuġjati għandhom jingħataw assistenza sabiex l-infrastruttura ekonomika u l-kapaċitajiet tagħhom jitjiebu, u għandhom jingħataw għajnuna meta jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi akbar – ekonomiċi, politiċi, soċjali u ambjentali. L-istrument għandu jindirizza l-kawżi primarji tal-migrazzjoni, speċjalment fir-rigward tar-refuġjati, u juża b’mod strateġiku r-riżorsi eżistenti sabiex jippromovi l-paċi, l-istabbiltà, id-demokrazija u l-prosperità fil-pajjiżi msieħba.

2.2.12.

Il-Kumitat jinnota li 10 % mill-pakkett finanzjarju tal-UE huma mistennija jkunu ddedikati biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u tal-ispostament sfurzat u biex jiġu appoġġjati l-ġestjoni u l-governanza tal-migrazzjoni inkluża l-protezzjoni tad-drittijiet tar-refuġjati u tal-migranti fl-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-Kumitat jieħu din l-opportunità biex ifakkar lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jaderixxu mal-obbligi internazzjonali tagħhom fir-rigward tal-migranti.

2.2.13.

Bħal fil-proċess tal-ippjanar imsemmi hawn fuq, fir-rigward tal-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-rapportar dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament, il-Kumitat jirrakkomanda l-inklużjoni ta’ perspettiva skont il-pajjiż. Ir-raggruppament tal-azzjonijiet u l-indikaturi skont il-pajjiż jista’ jgħin biex jiġu identifikati sinerġiji u komplementaritajiet, jew in-nuqqas tagħhom, u l-konsistenza tagħhom mal-għanijiet fundamentali tal-politika tal-UE.

2.2.14.

Bħala prinċipju ġenerali, il-Kumitat jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li fil-każijiet kollha l-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-pajjiżi msieħba, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, jiġu kkonsultati kif dovut u jkollhom aċċess f’waqtu għall-informazzjoni rilevanti li jippermettilhom li jkollhom rwol siewi matul it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-proċessi assoċjati ta’ monitoraġġ tal-programmi.

2.2.15.

Il-Kumitat jilqa’ l-pass li l-prinċipju tal-irfigħ tar-responsabbiltajiet jiġi applikat fir-rigward tal-pajjiżi msieħba, u jqis li l-użu tas-sistemi tal-pajjiżi msieħba biex jimplimentaw il-programmi huwa wkoll it-tattika t-tajba. Madankollu, għandu jiġi nnotat li dan jista’ jiġri biss jekk il-kundizzjonijiet it-tajba jkunu stabbiliti u jekk ikun hemm garanziji kredibbli dwar l-effiċjenza, l-integrità u l-imparzjalità ta’ dawk is-sistemi.

2.2.16.

Fir-rigward tal-ipprogrammar ġeografiku u l-istabbiliment ta’ qafas speċifiku u mfassal apposta għall-kooperazzjoni, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea mhux biss għandha tqis l-indikaturi nazzjonali, iżda tiffoka wkoll fuq komunitajiet definiti territorjalment f’riskju li jiġu injorati. Il-komunitajiet rurali u l-komunitajiet li huma ’l bogħod mill-bliet kapitali u miċ-ċentri urbani spiss huma kritikament prekarji u vulnerabbli. L-ewwel għandhom isiru viżibbli, u għandhom jitqiesu fil-proċess tal-ippjanar.

2.2.17.

L-ipprogrammar ġeografiku għandu jqis ukoll is-sitwazzjoni ta’ gruppi u komunitajiet soċjali mhux territorjali li jistgħu jiffaċċjaw problemi serji, bħaż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni b’diżabilità u kategoriji oħra.

2.3.   Sfond tal-proposta — L-Istrument Ewropew għas-Sikurezza Nukleari

2.3.1.

L-għan tal-Istrument Ewropew għas-Sikurezza Nukleari l-ġdid huwa li jippromovi l-istabbiliment ta’ standards tas-sikurezza nukleari effettivi u effiċjenti f’pajjiżi terzi skont l-Artikolu 206 tat-Trattat Euratom, li jibni fuq l-esperjenza tal-attivitajiet tas-sikurezza nukleari fil-Komunità tal-Euratom.

2.3.2.

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikkomplementa dawk l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni nukleari li huma ffinanzjati taħt [ir-Regolament NDICI], b’mod partikolari sabiex jappoġġja l-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ sikurezza nukleari, il-protezzjoni radjoloġika, u l-applikazzjoni ta’ salvagwardji effettivi u effiċjenti ta’ materjali nukleari f’pajjiżi terzi, li jibni fuq l-attivitajiet fil-Komunità u f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament għandu jimmira b’mod partikolari lejn:

(a)

il-promozzjoni ta’ kultura effettiva tas-sikurezza nukleari u l-implimentazzjoni tal-ogħla standards ta’ sikurezza nukleari u protezzjoni radjoloġika, u titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari;

(b)

il-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv u d-dekummissjonar u r-rimedjar ta’ eks siti u stallazzjonijiet nukleari;

(c)

l-istabbiliment ta’ sistemi effiċjenti u effettivi ta’ salvagwardja.

2.3.3.

L-azzjonijiet iffinanzjati taħt din il-proposta għandhom ikunu konsistenti u jikkumplimentaw lil dawk li twettqu skont l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, ikopru attivitajiet nukleari, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, id-Deċiżjoni dwar il-Pajjiżi u Territorji Barranin, il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u l-Faċilità Ewropea għall-Paċi li għadha kif ġiet proposta, li hija ffinanzjata lil hinn mill-baġit tal-UE.

2.3.4.

L-industrija nukleari tal-UE topera f’suq globali b’valur ta’ EUR 3 triljun sal-2050 u timpjega direttament nofs miljun ruħ. F’madwar 14-il Stat Membru, qed jitħaddmu 129 reattur tal-enerġija nukleari, u reatturi mibnija ġodda huma ppjanati f’10 minn dawk l-istati. L-UE għandha l-istandards legalment vinkolanti l-aktar avvanzati għas-sikurezza nukleari madwar id-dinja, u l-kumpaniji Ewropej huma involuti b’mod qawwi fil-produzzjoni globali tal-fjuwil nukleari. (Stqarrija għall-Istampa tal-KESE “EESC urges the EU to adopt a more comprehensive nuclear strategy (PINC)” (“Il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex tadotta strateġija nukleari aktar komprensiva (PINC)”), Nru 58/2016, 22/09/2016).

2.4.   Kummenti speċifiċi

2.4.1.

Il-Kumitat jilqa’ l-proposta fil-forma ta’ Regolament, li jiżgura l-applikazzjoni uniformi tiegħu, in-natura vinkolanti fl-intier tiegħu u l-applikabbiltà diretta. L-Unjoni u l-Komunità jistgħu jikkomplementaw u jkunu responsabbli biex jikkomplementaw l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-indirizzar ta’ sitwazzjonijiet potenzjalment perikolużi jew fil-każ ta’ interventi partikolarment għalja. Kif tindika l-Proposta, f’xi oqsma fejn l-Istati Membri mhumiex attivi, l-Unjoni u l-Komunità jibqgħu l-atturi ewlenin, u xi kultant l-uniċi atturi, li jintervjenu.

2.4.2.

Wara l-katastrofi nukleari ta’ Fukushima, deher perfettament ċar li l-problemi u r-riskji tal-użu tal-enerġija nukleari huma globali. L-UE għandha profil uniku, li jagħmilha waħda mill-atturi prinċipali responsabbli u ta’ riżorsi fl-isforz globali kemm għas-sikurezza nukleari kif ukoll għal teknoloġiji ta’ enerġija nadifa.

2.4.3.

Sfortunatament, il-proposta ma tidħolx f’livell strateġiku u politiku fid-domanda leġittima għall-ippjanar fit-tul għall-enerġija nukleari li ġejja miċ-ċittadini, mis-soċjetà ċivili, u mis-settur tan-negozju. Mhuwiex ċar kif l-UE se tuża r-riżorsi tagħha biex tindirizza l-isfidi ewlenin tal-enerġija nukleari, b’rabta mat-tħassib dejjem jikber u l-ħtiġijiet għal enerġija nadifa u affordabbli, fl-UE u fid-dinja.

2.4.4.

Ir-rwol tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika huwa essenzjali u l-aġenzija għandha tiehu responsabbiltà sabiex tiżgura t-trasparenza u twissija bikrija fir-rigward tal-iżvilupp ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ġodda mad-dinja kollha. L-UE għandha tikkoopera bis-sħiħ mal-istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet globali sabiex jippromovu s-sikurezza nukleari.

2.4.5.

L-UE għandha tippromovi b’mod attiv l-oghla standards ta’ sikurezza nukleari u tiżgura li l-proċeduri Ewropej l-aktar avvanzati, l-aħjar prattiki u t-teknoloġija jiġu promossi mad-dinja kollha, bil-ħsieb li tiżgura li installazzjonijiet u reatturi li għadhom kif ġew ippjanati huma sikuri.

2.4.6.

Huwa neċessarju li jiġġeddu l-isforzi biex jiġi żgurat li siti eżistenti u ppjanati fil-viċinat Ewropew joperaw bi standards għoljin ta’ trasparenza u sikurezza. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġjaw dan l-għan u jagħmlu s-sikurezza nukleari għan ewlieni fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali mal-pajjiżi msieħba.

2.4.7.

Il-KESE jsostni l-fehma tiegħu li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tirrifletti dwar il-kwistjonijiet jaħarqu tal-kompetittività tal-enerġija nukleari, il-kontribut tagħha għas-sigurtà tal-provvista u għat-tibdil fil-klima u għall-miri tal-karbonju, is-sikurezza tagħha flimkien mal-kwistjonijiet ta’ trasparenza u tħejjija għall-emerġenzi, fil-proposta tagħha għal programm illustrattiv (PINC) dwar miri ta’ produzzjoni nukleari u investiment (2).

2.4.8.

Il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżgura l-koerenza u l-komplementarjetà mal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, inkluż billi timplimenta attivitajiet fil-qasam nukleari li huma anċillari għall-għanijiet usa’ tagħha, prinċipalment l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari f’konformità mal-politika ta’ żvilupp u kooperazzjoni internazzjonali għas-saħħa, l-agrikoltura, l-industrija u l-proġetti soċjali li jindirizzaw il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe inċident nukleari. Madankollu, mhuwiex ċar kif il-baġit disponibbli u s-sitwazzjonijiet istituzzjonali fis-seħħ jistgħu jwasslu għal din l-intenzjoni fil-prattika.

2.4.9.

Meta jitqiesu l-isfidi globali ewlenin relatati mal-enerġija nukleari, u l-preżenza ta’ numru għoli ta’ siti ta’ enerġija nukleari fil-viċinat tiegħu, il-Kumitat iqis il-pakkett finanzjarju previst għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-perjodu 2021–2027 ta’ EUR 300 miljun fil-prezzijiet attwali bħala insuffiċjenti ħafna.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Istrument għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), relatur: is-Sur Iuliano (ĠU C 182, 4.8.2009, p. 13); Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-istrument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) tal-Unjoni Ewropea: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali, relatur: is-Sur Iuliano (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 123).

(2)  Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Opinjoni dwar Il-Programm Nukleari Illustrattiv, relatur: Brian Curtis, adottata fit-22 ta’ Settembru 2016 (ĠU C 487, 28.12.2016, p. 104).