ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 77

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 62
1 ta' Marzu 2019


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2019/C 77/01

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Gwida għall-iżvilupp ta' Programmi Nazzjonali għall-Kontroll tat-Tniġġis tal-Arja fil-qafas tad-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi

1


MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

1.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Gwida għall-iżvilupp ta' Programmi Nazzjonali għall-Kontroll tat-Tniġġis tal-Arja fil-qafas tad-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi

(2019/C 77/01)

Glossarju

Terminu jew akronimu

Tifsira jew definizzjoni

AAQD

Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent

BC

Karbonju Iswed

PAK

Politika Agrikola Komuni

CLRTAP

Konvenzjoni fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira

EEA

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

EFs

Fatturi ta' Emissjoni

EMEP

Il-Programm Ewropew għall-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni

E-PRTR

Ir-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti

UE

L-Unjoni Ewropea

GAINS

Mudell tal-Interazzjonijiet u s-Sinerġiji dwar it-Tniġġis tal-Arja mill-Gass Serra (1)

GHG

Gass Serra

IED

Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2))

IIASA

L-Istitut Internazzjonali għall-Analiżi Applikata tas-Sistemi

IIR

Rapport tal-Inventarju Informattiv

MRR

Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar (MRR) ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni

NAPCP

Programmi Nazzjonali għall-Kontroll tat-Tniġġis tal-Arja

NECD

Id-Direttiva dwar il-Limiti Massimi Nazzjonali tal-Emissjonijiet (Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4))

NFR

Nomenklatura għar-Rapportar

NH3

Ammonijaka

NMVOC

Komposti organiċi volatili mhux metaniċi

NO2

Diossidu tan-Nitroġenu

NOx

Ossidi tan-Nitroġenu

O3

Ożonu

PuM

Politiki u Miżuri

PM

Materja Partikolata

PM2.5

Materja Partikolata Fina

RDP

Programm tal-Iżvilupp Rurali

SEA

Valutazzjoni Ambjentali Strateġika

SO2

Diossidu tal-Kubrit

UNECE

Il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti

UNFCCC

Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

WAM

B'miżuri addizzjonali

WM

B'miżuri

DIKJARAZZJONI TA' ĊAĦDA TA' RESPONSABBILTÀ:

Dan id-dokument ta' gwida huwa maħsub biex jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali fit-tħejjija ta' programmi nazzjonali ta' kontroll tat-tniġġis tal-arja. Jirrifletti l-opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u għaldaqstant mhuwiex legalment vinkolanti. L-interpretazzjoni vinkolanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE hi l-kompetenza esklussiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE). L-opinjonijiet espressi f'dan id-dokument ta' gwida ma jistgħux jippreġudikaw il-pożizzjoni li tista' tieħu l-Kummissjoni quddiem il-QĠUE.

1.   INTRODUZZJONI

Id-Direttiva (UE) 2016/2284 dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, imsejħa wkoll id-Direttiva dwar il-Limiti Massimi Nazzjonali tal-Emissjonijiet (NECD) - (f'dan id-dokument imsejħa “id-Direttiva”) (5) hija mfassla biex tkompli tnaqqas it-tniġġis tal-arja u r-riskji assoċjati tiegħu fir-rigward tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem (l-Artikolu 1). Id-Direttiva tinkludi, għal kull Stat Membru, l-impenji futuri għat-tnaqqis tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx), id-diossidu tal-kubrit (SO2), l-ammonijaka (NH3), il-komposti organiċi volatili mhux metaniċi (NMVOC), u l-emissjonijiet ta' materja partikolata fina (PM2.5). Il-konformità ma' dawn l-impenji hija wkoll mistennija li tikkontribwixxi għall-objettiv fit-tul tal-Unjoni li tikseb livelli ta' kwalità tal-arja f'konformità mal-linji gwida tal-kwalità tal-arja tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

L-Artikoli 6 u 10 tad-Direttiva jirrikjedu li l-Istati Membri jistabbilixxu, sa mhux iktar tard mill-1 ta' April 2019, Programm Nazzjonali għall-Kontroll tat-Tniġġis tal-Arja (NAPCP) inizjali li għandu jiġi aġġornat regolarment, mill-inqas kull erba' snin (“aġġornamenti tal-NAPCP”). Il-kontenut tal-NAPCP huwa stipulat mid-Direttiva prinċipalment fl-Artikolu 6 u fl-Anness III, il-Parti 1. Skont l-Artikolu 6(10) tad-Direttiva, il-Kummissjoni speċifikat il-format tal-NAPCPs fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1522 (6). Din il-gwida, żviluppata skont l-Artikolu 6(9) tad-Direttiva, għandha l-għan li tappoġġja lill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-NAPCP inizjali li għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2019. Tindirizza l-format tal-NAPCP, il-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tiegħu, il-konsultazzjonijiet dwar l-NAPCP u t-tixrid tiegħu f'erba' kapitoli korrispondenti. Is-sett ta' għodod li jappoġġja l-kunsiderazzjoni u l-għażla ta' politiki u miżuri addizzjonali biex jikkonforma mal-impenji tat-tnaqqis fl-emissjonijiet huwa stabbilit fl-appendiċi. Din il-gwida tista' tiġi emendata kif meħtieġ biex tappoġġja l-aġġornamenti tal-NAPCPs.

2.   FORMAT KOMUNI GĦALL-PROGRAMMI NAZZJONALI GĦALL-KONTROLL TAT-TNIĠĠIS TAL-ARJA

Il-format ta' dan il-kapitolu

Għal faċilità tal-użu, dan il-kapitolu jsegwi n-numerazzjoni tat-taqsimiet tal-format tal-NAPCP stabbilit fl-anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1522. Il-kontenut minimu obbligatorju għal kull taqsima tal-format, kif ukoll kontenut fakultattiv ieħor, huwa spjegat fit-taqsima rilevanti ta' dan il-kapitolu f'kaxxi kkuluriti griżi b'intestaturi b'tipa grassa, kif ġej:

Rekwiżiti skont il-format tal-NAPCP

Il-kontenut għal kull rekwiżit huwa spjegat fit-taqsima rilevanti. Il-format jistabbilixxi l-kontenut minimu speċifikat fl-Artikolu 6 u fl-Anness III tal-NECD bħala kontenut obbligatorju , u jiddistingwi fejn l-informazzjoni hija meħtieġa fejn xieraq jew rilevanti biss. Jinkludi wkoll kontenut fakultattiv ieħor. L-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu l-kontenut fakultattiv filwaqt li jżommu l-flessibbiltà biex jiżviluppaw u jipprovdu data li hija l-iktar utli u xierqa għall-politiki u l-prijoritajiet rispettivi tagħhom.

2.1.   Titlu tal-programm, informazzjoni ta' kuntatt u siti web

Din it-taqsima tal-format ma għandhiex bżonn ta' spjegazzjoni u mhux qed tiġi pprovduta iktar gwida.

2.2.   Sommarju eżekuttiv

Din it-taqsima tal-format ma għandhiex bżonn ta' spjegazzjoni u mhux qed tiġi pprovduta iktar gwida.

2.3.   Il-qafas ta' politika nazzjonali dwar il-kwalità tal-arja u t-tniġġis

2.3.1.    Prijoritajiet ta' politika u r-relazzjoni tagħhom ma' prijoritajiet stabbiliti f'oqsma rilevanti oħrajn ta' politika

Ara l-Artikolu 6(1) u (2), u l-Anness III, il-Parti 1 (1)(a)(i)

Il-kuntest tal-politika għall-NAPCP inizjali għandu jiddefinixxi b'mod ċar l-objettivi u l-prijoritajiet tal-politika għall-programm. Dawn għandhom jirriflettu l-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet għal kull Stat Membru stipulati fl-Anness II tal-NECD.

Meta jiddefinixxu l-kuntest tal-politika, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-isfidi usa' tal-UE dwar il-kwalità tal-arja li jirriżultaw mill-emissjonijiet ta' NOx u PM, kif ukoll sfidi settorjali speċifiċi għall-kwalità tal-arja li jirriżultaw minn produzzjoni agrikola fir-rigward tal-emissjonijiet ta' NH3 u PM2.5.

2.3.1   Prijoritajiet ta' politika u r-relazzjoni tagħhom ma' prijoritajiet stabbiliti f'oqsma rilevanti oħrajn ta' politika

Kontenut obbligatorju:

Il-kontenut għal din it-taqsima jinkludi:

a)

L-objettivi u l-prijoritajiet tal-politika nazzjonali għall-NAPCP.

b)

L-impenji nazzjonali għat-tnaqqis fl-emissjonijiet (skont l-inkwinanti tal-NECD, għall-2020-2029 u għall-perjodu mill-2030): bħala tnaqqis f'perċentwali mill-emissjonijiet tas-sena bażi 2005, kif stipulat mid-Direttiva.

c)

Il-prijoritajiet tal-kwalità tal-arja: Il-prijoritajiet ta' politika nazzjonali fir-rigward tal-objettivi tal-UE jew nazzjonali tal-kwalità tal-arja (valuri ta' limitu għal konċentrazzjonijiet tal-kwalità tal-arja, valuri fil-mira u obbligi ta' konċentrazzjoni tal-esponiment (7)). L-għan huwa li jiġu identifikati l-isfidi u tiġi pprovduta/estratta informazzjoni relatata mal-inkwinanti ewlenin tal-kwalità tal-arja.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jirreferu għal-limiti rakkomandati tad-WHO bħala indikazzjoni tal-objettivi fit-tul għall-kwalità tal-arja.

d)

Il-prijoritajiet tal-politika dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija: il-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima b'miri ta' tnaqqis tal-GHG li ma jaqax taħt l-ETS; l-objettiv tas-Sorsi ta' Enerġija Rinnovabbli; l-objettiv tal-Effiċjenza fl-Enerġija, li jidentifika miri ta' tnaqqis għall-2020 u l-2030 — u l-2050 fejn disponibbli — u l-isfidi tal-Istati Membri biex jilħquhom.

e)

Meta jkun xieraq, jidentifikaw politiki rilevanti addizzjonali oħrajn u l-prijoritajiet rispettivi rilevanti għall-NAPCP, eż. il-Programmi ta' Żvilupp Rurali skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

2.3.2.    Responsabbiltajiet attribwiti lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali

Ara l-Anness III, il-Parti 1 (1)(a)(ii)

L-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-aġenziji governattivi, il-ministeri u l-awtoritajiet reġjonali jew lokali rilevanti involuti fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tal-NAPCP u għandhom jistabbilixxu r-responsabbiltajiet attribwiti kif xieraq (l-Anness III, il-Parti 1(1)(a)(ii)).

L-attribuzzjoni tar-responsabbiltajiet għandha tikkunsidra kif l-aħjar li tiżgura li t-tħassib lokali u settorjali jinftiehem b'mod xieraq u jiġi rifless fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-NAPCP. L-awtoritajiet f'oqsma ta' politika u setturi differenti għandhom ikunu involuti fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tal-NAPCP u għandhom jiġu riflessi huma kif ukoll ir-rwoli tagħhom. Dan jinkludi, pereżempju, l-interazzjoni bejn ir-rwoli tat-tfassil tal-politika u tal-implimentazzjoni tal-awtoritajiet responsabbli mill-kwalità tal-arja u mit-tibdil fil-klima. Filwaqt li l-involviment ta' firxa wiesgħa ta' awtoritajiet huwa mistenni li jkun meħtieġ, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-awtorità tal-gvern nazzjonali għandha tieħu r-responsabbiltà ġenerali għat-tfassil tal-politika.

Jekk possibbli, l-NAPCP għandu jkopri l-attribuzzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet stabbiliti fil-figura ta' hawn taħt.

Figura 1

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet assoċjati mal-elaborazzjoni u r-rapportar tal-NAPCP

Image 1

Ir-responsabbiltajiet addizzjonali jistgħu jkunu rilevanti fi Stati Membri differenti u dawn għandhom ikunu elenkati fl-NAPCP kif xieraq flimkien mal-awtoritajiet/aġenziji nazzjonali, reġjonali jew lokali responsabbli inkarigati.

Huwa wkoll importanti li tiġi kkunsidrata l-iskala meta jiġu attribwiti r-responsabbiltajiet lill-awtoritajiet. Il-livell ta' awtorità meħtieġ jista' jvarja skont in-natura tar-responsabbiltà; pereżempju, l-awtoritajiet nazzjonali huma ġeneralment meqjusa iktar xierqa fit-tħejjija tal-NAPCP filwaqt li l-awtoritajiet lokali huma tipikament iktar involuti fl-implimentazzjoni ta' miżuri u infurzar (partikolarment mill-perspettiva tal-kwalità tal-arja). Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw liema awtorità hija responsabbli biex tissorvelja u tikkoordina r-rwoli u r-responsabbiltajiet kollha, għalkemm, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet konvinċenti għall-kuntrarju, normalment din tkun l-awtorità nazzjonali kompetenti, jiġifieri l-gvern tal-Istat Membru.

2.3.2.   Responsabbiltajiet attribwiti lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali

Kontenut obbligatorju:

Id-deskrizzjoni tat-tip, u fejn xieraq l-isem, tal-awtorità rispettiva, l-iskala li topera fiha (jiġifieri nazzjonali, reġjonali, lokali) u r-responsabbiltajiet attribwiti tagħhom fl-oqsma tal-kwalità tal-arja u t-tniġġis tal-arja.

Kontenut fakultattiv:

Identifikazzjoni tas-setturi tas-sors taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet elenkati;

L-awtoritajiet f'oqsma ta' politika u setturi differenti għandhom ikunu involuti fl-elaborazzjoni u r-rapportar tal-NAPCP u huma u r-rwoli tagħhom ikunu riflessi fl-informazzjoni mogħtija hawn. Dan jinkludi, pereżempju, l-interazzjoni bejn ir-rwoli tat-tfassil tal-politika u tal-implimentazzjoni tal-awtoritajiet responsabbli mill-kwalità tal-arja u mit-tibdil fil-klima.

2.4.   Il-progress li sar permezz tal-Politiki u Miżuri (PuM) attwali fit-tnaqqis fl-emissjonijiet u fit-titjib tal-kwalità tal-arja, u l-livell ta' konformità mal-obbligi nazzjonali u tal-Unjoni, meta mqabbel mal-2005

Ara l-Artikoli 6(1), (2)(a) u l-Anness III, il-Parti 1 (1)(a)(iii) u l-Parti 2

2.4.1.    Il-progress li sar permezz tal-PuM attwali fit-tnaqqis fl-emissjonijiet, u l-livell ta' konformità mal-obbligi nazzjonali u tal-Unjoni tat-tnaqqis fl-emissjonijiet

Għal miżuri eżistenti mfassla biex jikkontribwixxu għall-kisba tal-impenji tat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-NECD, l-impatt milħuq tal-miżura għandu jkun espress f'termini tat-tnaqqis fl-emissjonijiet li jkun twettaq fuq perjodu ta' żmien partikolari sal-lum.

Kif mitlub mid-Direttiva, l-inventarji tal-emissjonijiet ta' kwalità tajba għandhom ikunu disponibbli fil-livell nazzjonali appoġġjati minn data tal-inventarju spazjalment diżaggregata, li fuqha tista' tkun ibbażata din it-taqsima.

Il-miżuri għat-tnaqqis fl-emissjonijiet immirati lejn NH3, PM2,5 u l-karbonju iswed fis-settur agrikolu stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness III għall-NECD, kif ukoll miżuri li għandhom effett ekwivalenti (l-Artikolu 6(2), l-aħħar sentenza), li l-Istati Membri diġà daħħlu fis-seħħ għandhom jiġu rrapportati wkoll f'din it-taqsima. Għal dak il-għan l-Istati Membri jistgħu jinkludu tabella ekwivalenti għat-tabella stabbilita fit-taqsima 2.6.4 tal-format li bih għandhom jiġu rrapportati miżuri addizzjonali mill-Parti 2 tal-Anness III għall-NECD.

2.4.2.    Il-progress li sar permezz tal-PuM attwali fit-titjib tal-kwalità tal-arja, u l-livell ta' konformità mal-obbligi nazzjonali u tal-Unjoni tal-kwalità tal-arja

Hemm numru ta' fatturi li jinfluwenzaw ir-relazzjoni bejn l-emissjonijiet u l-konċentrazzjonijiet ta' tniġġis tal-arja, inklużi l-meteoroloġija, it-topografija u l-kimika atmosferika. Madankollu, din ir-relazzjoni tista' tinftiehem aħjar bl-għajnuna tal-immudellar.

Ix-xejriet storiċi f'konċentrazzjonijiet magħżula ta' tniġġis tal-arja għandhom jiġu pprovduti f'postijiet differenti u f'tipi differenti ta' postijiet. Id-data għandha tkun disponibbli minn netwerks nazzjonali ta' monitoraġġ tal-arja fl-ambjent.

Ir-rieżamiex post tal-progress magħmul minn PuM adottati se tagħti indikazzjoni dwar jekk kinux effettivi daqs kemm ġew stmati inizjalment, u tipprovdi informazzjoni dwar il-“lezzjonijiet meħuda” fir-rigward tal-ostakli u s-soluzzjonijiet identifikati. Dawn il-valutazzjonijiet li jħarsu lura huma intenzjonati li jitwettqu wara l-implimentazzjoni ta' politika jew miżura, u huma bbażati fuq data miġbura matul iż-żmien li ġiet implimentata l-PuM.

Il-fehim tas-suċċessi u n-nuqqasijiet tal-PuM storiċi mill-analiżi ex post jipprovdi informazzjoni prezzjuża fit-tfassil ta' PuM futuri. Madankollu, jista' jkun ta' sfida li tiddetermina b'mod preċiż sa liema punt id-dettalji (bħall-ħeffa tal-implimentazzjoni, il-livell ta' ambizzjoni, il-kunflitt ma' prijoritajiet emerġenti, it-tixrid ta' informazzjoni, eċċ.) kienu strumentali fil-livell ta' suċċess tal-politika, kif ukoll li jkun hemm diżaggregazzjoni tal-impatti ta' politiki multipli fuq settur u/jew inkwinant wieħed.

Diversi studji ħarsu lejn il-metodi biex issir analiżi ex post u ġeneralment hemm bżonn ta' approċċ pjuttost personalizzat għal kull PuM. L-iddisinjar u l-integrazzjoni ta' indikaturi xierqa għall-insegwiment tal-progress u l-impatti ta' PuM individwali qabel l-implimentazzjoni tagħhom jistgħu jappoġġjaw evalwazzjonijiet ex post futuri.

Għal gwida addizzjonali dwar kif tivvaluta u tirrapporta l-impatti ta' miżuri tal-passat, attwali u ppjanati dwar il-kwalità tal-arja flimkien ma' eżempji ta' mapep u istogrammi, ara t-taqsima 6.1.

2.4.3.    Impatt transkonfinali attwali ta' sorsi domestiċi tal-emissjonijiet

L-impatt globali tal-emissjonijiet nazzjonali minn Stat Membru wieħed fuq konċentrazzjonijiet f'ieħor ġie kkunsidrat fid-disinn tal-impenji nazzjonali għat-tnaqqis fl-emissjonijiet fl-Anness II għall-NECD. Għalhekk, il-miżuri meħuda biex jintlaħqu l-impenji tat-tnaqqis normalment jikkontribwixxu għat-tnaqqis tat-tniġġis transkonfinali (ara pereżempju r-Rapport TSAP 12 (8) għall-impatt mistenni tal-NECD fuq il-proporzjon ta' konċentrazzjonijiet PM2.5 derivati minn emissjonijiet transkonfinali).

L-impatti jistgħu jiġu rrapportati f'termini kwantitattivi jew kwalitattivi.

Fejn issir valutazzjoni kwalitattiva, għandha tiddeskrivi l-inkwinanti affettwati, il-qafas ta' żmien għall-azzjoni u l-progress stmat li sar – din l-informazzjoni tista' tinġieb minn kwalunkwe pjan konġunt dwar il-kwalità tal-arja, kif stabbilit skont l-Artikolu 25 tal-AAQD.

Fejn issir valutazzjoni kwantitattiva, l-Istati Membri huma mistiedna jispeċifikaw id-data u l-metodoloġija użata.

2.4.   Il-progress li sar mill-PuM attwali fit-tnaqqis fl-emissjonijiet u t-titjib tal-kwalità tal-arja, u kemm dawn huma konformi mal-obbligi nazzjonali u tal-Unjoni

Kontenut obbligatorju:

Il-kontenut għal din it-taqsima jinkludi referenzi sħaħ għall-appoġġ ta' settijiet ta' data disponibbli għall-pubbliku flimkien ma' deskrizzjoni tal-progress attwali miksub, kif ġej:

a)

Il-progress li sar permezz tal-PuM attwali fit-tnaqqis fl-emissjonijiet, u l-livell ta' konformità mal-leġiżlazzjoni tat-tnaqqis fl-emissjonijiet.

b)

Il-progress li sar permezz tal-PuM attwali fit-titjib tal-kwalità tal-arja, u l-grad ta' konformità mal-obbligi nazzjonali u tal-Unjoni f'termini tan-numru ta' żoni ta' kwalità tal-arja konformi (9) miż-żoni kollha, inkluż permezz tal-provvediment ta' referenza għad-data eżistenti.

c)

Fejn ikun rilevanti, iddeskrivi l-impatt transkonfinali attwali ta' sorsi domestiċi tal-emissjonijiet. Il-progress jista' jiġi rrapportat f'termini kwantitattivi jew kwalitattivi.

Kontenut fakultattiv:

Meta tirrapporta l-progress attwali għal titjib fil-kwalità tal-arja inklużi mapep jew istogrammi ta' konċentrazzjonijiet attwali tal-arja fl-ambjent għal inkwinanti tal-AAQD li jista' juri, pereżempju, in-numru ta' żoni (miż-żoni kollha) f'nuqqas ta' konformità f'sena bażi u bħalissa ikun ta' għajnuna.

Fejn jiġu identifikati problemi f'żona/i tal-kwalità tal-arja, tista' tiġi rrapportata deskrizzjoni ta' kif sar progress fit-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet massimi.

2.5.   Previżjoni tal-evoluzzjoni, li tassumi li ma jinbidel xejn fil-PuM li diġà ġew adottati

Ara l-Artikolu 6(1) u l-Anness III, il-Parti 1 (1)(a)(iv)

2.5.1.    Il-previżjoni tal-emissjonijiet u tat-tnaqqis fl-emissjonijiet (ix-xenarju WM)

L-inventarji u l-previżjonijiet tal-emissjonijiet għandhom jintużaw biex jivvalutaw it-tnaqqis fl-emissjonijiet fl-arja relatati mal-PuM u jipprovdu dettall dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet għall-valutazzjonijiet tax-xenarju “bil-miżuri” (WM). Jipprovdu indikazzjoni tal-punt sa fejn Stat Membru qed jipprevedi li jikkonforma mal-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet fuq il-bażi ta' PuM adottati bħalissa, jew jekk hemmx distakk ta' konformità li jeħtieġ l-introduzzjoni ta' PuM addizzjonali.

F'konformità mal-linji gwida ta' rapportar tal-UNECE għar-rapportar skont is-CLRTAP (2015) (10) u l-Kapitolu 8 tal-Gwida tal-EMEP/EEA 2016, ix-xenarju WM jirrappreżenta l-avvenimenti jew il-kundizzjonijiet l-iktar probabbli li jseħħu b'“PuM implimentati u adottati bħalissa”. Ma jinkludix PuM (jew pakkett ta' PuM) li qed jiġu vvalutati għal implimentazzjoni futura. Ix-xenarju WM għandu jinkorpora wkoll il-leġiżlazzjoni tal-UE adottata riċentement (il-kontroll tat-tniġġis tal-arja bbażata fuq is-sors) anke jekk għadha mhix implimentata (11).

Definizzjoni ta' PuM implimentati u adottati

PuM implimentati (Paragrafu 11; UNFCCC, 2016; kif ikkwotat fil-Kapitolu 8 tal-Ktieb ta' Gwida tal-EMEP/EEA 2016):

a)

il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija fis-seħħ;

b)

JEW ġie stabbilit ftehim volontarju wieħed jew iktar;

c)

JEW ġew allokati riżorsi finanzjarji;

d)

JEW ġew mobilizzati r-riżorsi umani.

PuM adottati: ittieħdet deċiżjoni uffiċjali tal-gvern u hemm impenn ċar biex tipproċedi bl-implimentazzjoni (Paragrafu 11; UNFCCC, 2016; kif ikkwotat fil-Kapitolu 8 tal-Ktieb ta' Gwida tal- EMEP/EEA 2016).

Dan ix-xenarju WM jew “bażi” jiddependi fuq suppożizzjonijiet relatati ma' fatturi ewlenin tal-emissjonijiet matul il-perjodu ta' valutazzjoni. Il-fatturi jinkludu politiki jew azzjonijiet oħrajn li ġew implimentati jew adottati, kif ukoll fatturi mhux ta' politika, bħal kundizzjonijiet ekonomiċi, l-użu tal-karburant u l-prezzijiet tal-enerġija li hemm previsti, u l-iżvilupp teknoloġiku. Il-fatturi u s-suppożizzjonijiet użati għandhom jiġu allinjati ma' dawk użati biex jiddeterminaw il-previżjonijiet tal-GHG fil-kuntest tal-Pjanijiet tal-Klima u l-Enerġija. Meta jkunu qed jiġu stmati l-emissjonijiet “bażi”, mill-inqas għandhom jiġu stmati s-sorsi kollha mistennija li jinbidlu bejn ix-xenarju WM u x-xenarju “B'Miżuri Addizzjonali” (WAM).

Il-ħtiġijiet tad-data biex tiġi prevista l-evoluzzjoni tal-emissjonijiet: Il-metriċi li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati meta tiġi vvalutata l-evoluzzjoni futura tal-emissjonijiet: il-previżjoni tax-xejriet fl-emissjonijiet ibbażati fuq PuM adottati, l-iffrankar ta' emissjonijiet skont xenarji differenti, u kwalunkwe mira definita.

Dan se jirrikjedi firxa ta' settijiet ta' data u preferibbilment għodod ta' mmudellar, iżda wkoll suppożizzjonijiet ibbażati fuq ġudizzju espert għal settijiet ta' data ta' attività speċifika (kif diġà jiġri għal xi setturi meta d-data ma tkunx disponibbli għall-kalkolu tal-previżjonijiet dwar il-klima), fatturi xierqa tal-emissjonijiet (ibbażati fuq kampjuni u kejl rappreżentattivi), informazzjoni dwar is-sehem ta' attività kkontrollata minn PuM partikolari (u l-ispejjeż assoċjati). Barra minn hekk, il-previżjonijiet iridu jiġu kkumpilati f'livell dettaljat biżżejjed biex ikunu jistgħu jikkwantifikaw l-impatt ta' interventi ta' politika speċifiċi.

Diġà ġew żviluppati gwida u letteratura estensivi dwar dawn is-suġġetti fiż-żona teknika tal-emissjonijiet ta' gass serra (12), u huwa għaqli mhux biss li nisiltu minnhom, iżda wkoll li tiġi żgurata l-konsistenza bejn iż-żewġ oqsma tekniċi.

Għal gwida addizzjonali dwar kif tivvaluta u tirrapporta l-impatti ta' miżuri tal-passat, dawk attwali u dawk ippjanati dwar il-kwalità tal-arja flimkien ma' eżempji ta' mapep u istogrammi, ara t-taqsima 6.1.

2.5.2.    Previżjoni dwar it-titjib fil-kwalità tal-arja (WM) u l-livell ta' konformità

Sabiex jiġu appoġġjati l-kunsiderazzjoni u l-għażla tal-PuM li jkunu l-iktar ta' benefiċċju għall-kwalità tal-arja, huwa importanti li jiġu kkunsidrati u konnessi l-previżjonijiet tal-inkwinanti tal-NECD mal-previżjonijiet ta' xejriet ta' konċentrazzjoni ta' inkwinanti ewlenin skont l-AAQD.

Il-konċentrazzjonijiet previsti jistgħu jiġu derivati mill-emissjonijiet previsti permezz tal-użu ta' mmudellar ta' dispersjoni atmosferika, għalkemm dan jeħtieġ xi kunsiderazzjonijiet dettaljati, u tipikament jinvolvi wkoll immudellar ta' sorsi ta' emissjonijiet mhux irregolati mill-NECD (eż. tbaħħir internazzjonali jew emissjonijiet minn pajjiżi terzi).

Il-kapaċità tal-immudellar biex jiġu vvalutati l-impatti tal-politiki u l-miżuri fil-livell nazzjonali fuq il-kwalità tal-arja mhux dejjem tista' teżisti fi Stat Membru, jew tista' teżisti biss għal inkwinanti magħżula (eż. il-PM2.5, l-ożonu).

Fejn l-immudellar tal-impatti tal-kwalità tal-arja skont ix-xenarju WM ma jistax jitwettaq, l-NAPCP inizjali għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

Għaż-żoni li ma jikkonformawx mal-valuri ta' limitu tal-kwalità tal-arja fil-ħin tal-elaborazzjoni tal-NAPCP, l-Istati Membri għandhom jistmaw, abbażi ta' informazzjoni ġġustifikata, is-sena li fiha dawn iż-żoni huma mistennija li jkunu konformi skont il-PuM diġà adottati, u jistmaw il-konċentrazzjonijiet massimi tal-inkwinanti kkonċernati f'dawn iż-żoni. Din l-informazzjoni għandha tkun faċilment disponibbli mill-pjanijiet tal-kwalità tal-arja stabbiliti għal dawn iż-żoni skont l-AAQD fl-Istati Membri kollha. Jekk dan huwa l-każ, tista' tiġi pprovduta web-link għall-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

L-evidenza minn kwalunkwe studju eżistenti li żoni konformi mal-AAQD fiż-żmien tal-elaborazzjoni tal-NAPCP jistgħu jsiru mhux konformi mal-valuri ta' limitu fis-snin futuri (eż. il-konċentrazzjonijiet ta' inkwinanti f'dawn iż-żoni huma mistennija jiżdiedu fis-snin futuri skont il-PuM attwali).

Din l-informazzjoni għandha tintuża mill-Istati Membri biex jiġi stmat kemm-il żona hija mistennija li ma tikkonformax mal-valuri ta' limitu tal-AAQD fl-2020, l-2025 u l-2030 skont il-PuM diġà adottati.

Għal gwida addizzjonali dwar kif tivvaluta u tippreżenta l-impatti ta' miżuri tal-passat, attwali u ppjanati dwar il-kwalità tal-arja flimkien ma' eżempji ta' mapep u istogrammi, ara l-Appendiċi 1.

L-Istati Membri li jipprevedu li jkunu konformi ma' wħud mill-impenji tagħhom għat-tnaqqis fl-emissjonijiet jew mal-impenji kollha abbażi tal-previżjonijiet WM jistgħu wkoll jiddeċiedu li jinkludu PuM addizzjonali fl-NAPCP biex jikkontribwixxu għal objettivi oħrajn speċifikati fl-Artikolu 1(2), għalkemm mhumiex meħtieġa mill-NECD.

Pereżempju, jekk l-impenn għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-NECD għall-PM2.5 huwa mistenni li jintlaħaq skont ix-xenarju WM imma xi żoni tal-kwalità tal-arja huma mistennija li jibqgħu mhux konformi mal-valuri ta' limitu tal-AAQD għall-PM2.5 jew il-PM10, l-Istati Membri huma mħeġġa jużaw l-NAPCP bħala għodda biex jintroduċu PuM addizzjonali biex jgħinhom jissodisfaw l-obbligi tal-AAQD tagħhom.

Anki jekk Stat Membru jkun konformi mal-obbligi legali kollha tal-UE, jista' jkun jixtieq juża l-NAPCP biex tittieħed iktar azzjoni lejn l-objettiv fit-tul tas-7 EAP li ma għandu l-ebda riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, inkluż dak li jinkisbu l-valuri tal-linja gwida tad-WHO għat-tniġġis tal-arja.

2.5.   Previżjoni tal-evoluzzjoni, li tassumi li ma jinbidel xejn fil-PuM li diġà ġew adottati

Kontenut obbligatorju:

Il-previżjoni tal-emissjonijiet u tat-tnaqqis fl-emissjonijiet (ix-xenarju WM)

Biex tintwera l-kisba prevista tal-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet skont xenarju WM, il-kontenut għal din it-taqsima jinkludi l-informazzjoni li ġejja fil-livell tal-NAPCP:

a)

L-impenji nazzjonali għat-tnaqqis fl-emissjonijiet (kif rapportati fid-Direttiva)

b)

L-emissjonijiet (kt), għas-sena bażi 2005, għall-iktar sena ta' inventarju riċenti użata għall-iżvilupp ta' previżjonijiet, u l-emissjonijiet previsti għall-2020, l-2025, u l-2030

c)

Il-progress previst (tnaqqis fl-emissjonijiet bħala perċentwal tal-emissjonijiet fis-sena bażi 2005) għall-2020, l-2025 u l-2030 biex jitqabbel mal-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet

Previżjoni dwar it-titjib fil-kwalità tal-arja (xenarju WM)

Biex jintwera t-titjib previst fil-kwalità tal-arja f'xenarju WM, il-kontenut għal din it-taqsima jinkludi:

it-titjib kwalitattiv previst fil-kwalità tal-arja (WM) u l-livell ta' konformità sal-2020, sal-2025 u sal-2030

Kontenut fakultattiv:

L-inċertezzi għall-emissjonijiet previsti fl-arja (WM):

Ħarsa ġenerali lejn l-inċertezzi assoċjati biex il-previżjonijiet tax-xenarju WM jissodisfaw l-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet għall-2020, għall-2025 u għall-2030 'il quddiem.

Previżjoni fit-titjib previst fil-kwalità tal-arja (WM):

Numru previst ta' żoni tal-kwalità tal-arja li mhumiex konformi u ta' dawk li huma konformi għas-snin 2020, 2025, u 2030.

2.6.   Għażliet ta' politika kkunsidrati biex ikun hemm konformità mal-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet għall-2020 u għall-2030, u l-livelli intermedji tal-emissjonijiet għall-2025

Ara l-Artikolu 6(1) u (2), l-Anness III, il-Parti 1(b), (c) u (d), l-Anness III, il-Parti 2

Din it-taqsima tkopri l-kunsiderazzjoni tal-għażliet ta' politika u l-għażla ta' PuM addizzjonali (ippjanati) biex ikunu konformi mal-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet għall-2020 u l-2030, u l-livelli intermedji tal-emissjonijiet għall-2025, u biex jikkontribwixxu għal iktar titjib fil-kwalità tal-arja. Innota li t-terminu “għażliet ta' politika” jintuża hawn u fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-format tal-NAPCP minħabba li dan huwa t-terminu użat fl-Anness III, il-Parti 1, il-punt 1(b) tad-Direttiva. Madankollu, it-terminu huwa użat minflok it-terminu “politiki u miżuri” f'postijiet oħrajn f'din il-gwida.

Il-kunsiderazzjoni ta' għażliet ta' politika addizzjonali (PuM) hija l-iktar rilevanti għall-Istati Membri li pprevedew nuqqas ta' konformità jew riskju ta' nuqqas ta' konformità ma' wieħed jew iktar mill-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet abbażi tal-previżjonijiet WM.

L-Istati Membri li jipprevedu konformità mal-impenji kollha tagħhom għat-tnaqqis fl-emissjonijiet abbażi tal-previżjonijiet WM jistgħu wkoll jiddeċiedu li jinkludu PuM addizzjonali fl-NAPCP biex jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi l-oħrajn speċifikati fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva. Dawn huma:

l-objettivi tal-kwalità tal-arja (inklużi objettivi fit-tul) speċifikati fil-politiki u l-linji gwida nazzjonali, tal-UE u internazzjonali;

l-objettivi tal-bijodiversità u tal-ekosistema tal-Unjoni f'konformità mas-seba' EAP; u

s-sinerġiji msaħħa bejn il-politika tal-Unjoni dwar il-kwalità tal-arja u politiki oħrajn tal-Unjoni, speċifikament relatati mal-klima u l-enerġija.

Anki jekk Stat Membru jkun konformi mal-obbligi legali kollha tal-EU, jista' jkun jixtieq juża l-NAPCP biex tittieħed iktar azzjoni lejn l-objettiv fit-tul tas-7 EAP li ma għandu l-ebda riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, inkluż il-kisba tal-valuri tal-linja gwida tad-WHO għat-tniġġis tal-arja.

Ir-rekwiżiti ewlenin li jinfurmaw il-kunsiderazzjoni u l-għażla ta' PuM addizzjonali, kif speċifikat fid-Direttiva, jinkludu:

a)

l-għażliet ta' politika kkunsidrati bħala konformi mal-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet u l-livelli ta' emissjonijiet intermedji (l-Anness III, il-Parti 1, il-punt 1(b));

b)

il-prijoritizzazzjoni tal-miżuri għat-tnaqqis fl-emissjonijiet għall-karbonju iswed meta jittieħdu miżuri biex jitnaqqas il-PM2.5 (l-Artikolu 6.2(c));

c)

l-adozzjoni ta' miżuri addizzjonali għall-agrikoltura (l-Anness III, il-Parti 2);

d)

il-konsultazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi u kompetenti (l-Artikolu 6(5));

e)

il-konsultazzjoni transkonfinali dwar PuM addizzjonali fejn rilevanti (l-Artikolu 6(6));

f)

il-previżjonijiet dwar l-impatti individwali jew dawk ikkombinati tal-PuM fuq it-tnaqqis fl-emissjonijiet, fejn disponibbli fuq il-kwalità tal-arja fit-territorji proprji u l-Istati Membri ġirien u fuq l-ambjent, kif ukoll l-inċertezzi assoċjati (l-Artikolu 6(2)(a); l-Anness III, il-Parti 1, il-punt 1(b));

g)

it-tixrid tal-NAPCP inizjali (l-Artikolu 14(1)).

L-“Għodda tal-Internet għall-Politiki u l-Miżuri”:

 

L-informazzjoni meħtieġa fit-taqsima 2.6 tal-format għandha tiġi rrapportata bl-użu tal-“Għodda tal-Internet għall-Politiki u l-Miżuri” (l-“għodda tal-PuM”) disponibbli fuq is-sit web tal-EEA.

 

Se jkun ipprovdut manwal separat mill-EEA li jispjega l-użu tal-għodda tal-PuM.

2.6.1.    L-għażliet ta' politika meqjusa bħala konformi mal-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet

Il-proċess għall-evalwazzjoni u l-għażla ta' PuM addizzjonali għall-inklużjoni fl-NAPCP huwa stabbilit hawn taħt.

Pass Nru 1: Prijoritizzazzjoni tal-inkwinanti u s-sorsi ewlenin ta' emissjoni

Il-PuM addizzjonali huma meħtieġa għal dawk l-inkwinanti li għalihom l-Istati Membri jipprevedu nuqqas ta' konformità jew ir-riskju ta' nuqqas ta' konformità mal-impenji tagħhom għat-tnaqqis fl-emissjonijiet. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jixtiequ, fid-diskrezzjoni tagħhom stess, li jużaw l-NAPCP biex tittieħed azzjoni fuq inkwinanti oħrajn sabiex jiksbu l-konformità ma' obbligi oħrajn tal-UE jew progress lejn l-objettivi tas-7 EAP.

Għal kull inkwinant magħżul fl-NAPCP, għandhom jiġu identifikati sorsi ewlenin li jikkontribwixxu għall-emissjonijiet tal-inkwinant magħżul. Is-setturi jistgħu wkoll jiġu prijoritizzati għal azzjoni bbażata fuq kriterji ulterjuri bħal:

Setturi magħrufa li qed jikkontribwixxu għall-iskorrimenti fil-valuri ta' limitu tal-kwalità tal-arja:

Għal emissjonijiet mill-punti ta' sors dan għandu jikkunsidra l-pożizzjoni ġeografika tagħhom u jekk jinsabux f'żoni mhux konformi mal-AAQD. L-inventarji tal-emissjonijiet nazzjonali spazjalment diżaggregati u l-inventarji kbar mill-punti ta' sors (E-PRTR) jistgħu jipprovdu data ta' sostenn għal din l-analiżi.

Għal sorsi diffużi ta' emissjonijiet, bħat-trasport bit-triq, dan għandu jikkunsidra l-kontribut tal-emissjonijiet mis-settur fiż-żoni mhux konformi mal-valuri ta' limitu tal-AAQD bl-użu ta' data ta' tqassim tas-sors għaż-żoni.

Is-setturi li jikkontribwixxu għall-emissjonijiet ta' iktar minn inkwinant wieħed fil-lista mqassra li fil-każ tiegħu huwa previst li l-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet mhux se jinkisbu.

Pass Nru 2: Identifika l-PuM addizzjonali disponibbli

Għal kull settur, ix-xenarju WAM għandu l-ewwel jikkunsidra dawk il-PuM ippjanati għall-implimentazzjoni biex itejbu l-kwalità tal-arja, u skont l-obbligi tal-klima u l-enerġija jew politiki oħrajn relatati (eż. trasport, agrikoltura, emissjonijiet industrijali). Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jekk xi PuM lil hinn mill-politika ambjentali jistax ikollu impatt fuq l-NAPCP, pereżempju billi jaffettwa l-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta' miżuri addizzjonali. L-eżempji jinkludu l-PuM u l-pjanijiet u l-programmi mmirati lejn it-titjib tal-kompetittività internazzjonali tal-industrija, l-iżgurar tal-enerġija jew is-sigurtà tal-ikel, l-iżvilupp tal-infrastruttura, eċċ.

Jekk il-PuM identifikati ma jkunux biżżejjed biex jinkisbu l-impenji ddefiniti għat-tnaqqis fl-emissjonijiet, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw PuM addizzjonali. Eżempji ta' PuM potenzjali huma elenkati fit-taqsima 6.2. It-twettiq ta' dawn il-miżuri f'termini ta' tnaqqis fl-emissjonijiet milħuq u l-iktar livell amministrattiv xieraq li fih għandhom jiġu implimentati (nazzjonali, reġjonali jew lokali) jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Istat Membru, inkluż il-politika u l-qafas amministrattiv tiegħu u sa fejn dawn il-miżuri diġà ġew adottati u implimentati.

Meta jidentifikaw il-PuM, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw it-tagħlimiet miksuba mill-implimentazzjoni tal-miżuri skont id-Direttiva 2001/81/KE (13). B'mod partikolari, f'każ ta' nuqqas ta' konformità ma' limitu massimu wieħed jew iktar tal-2010, l-Istati Membri għandhom iqisu r-raġunijiet għal tali falliment, u jidentifikaw u jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-PuM adottati sa issa.

L-analiżi magħmula mill-IIASA fil-kuntest tal-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa (14), u l-analiżi tas-sensittività miġbura fid-dokument “Informazzjoni metodoloġika u teknika li ssostni l-proposta tal-Presidenza għal Anness II rivedut” (15) dwar l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis fl-emissjonijiet, jistgħu jipprovdu punti ta' referenza utli għall-identifikazzjoni ta' miżuri addizzjonali. Barra minn hekk, l-immudellar ibbażat fuq l-ottimizzazzjoni użat fl-analiżi tal-IIASA huwa teknika li l-Istati Membri jistgħu jixtiequ jikkunsidraw li japplikaw. Wieħed għandu jżomm f'moħħu, madankollu, li l-Istati Membri ovvjament se jkollhom firxa ferm usa' ta' miżuri miftuħa għall-kunsiderazzjoni, billi l-mudell GAINS (16) użat għall-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa kkunsidra biss il-miżuri tekniċi disponibbli u ma inkludiex bidliet strutturali.

Pass Nru 3: Evalwazzjoni tal-PuM u l-mekkaniżmi ta' twettiq addizzjonali identifikati

Meta jiġu evalwati l-impatti tal-PuM individwali fuq it-tnaqqis fl-emissjonijiet u l-ispejjeż tagħhom, huwa importanti li jiġu kkunsidrati l-kobenefiċċji bejn inkwinanti u setturi differenti. Għadd ta' miżuri elenkati fit-taqsima 6.2 ikollhom impatt fuq iktar minn inkwinant wieħed.

Hemm firxa ta' għodod u metodi disponibbli biex jgħinu lill-Istati Membri fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-għażla ta' PuM addizzjonali.

L-Istrumenti għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni Ewropea, għalkemm mhux indirizzati direttament lill-Istati Membri, jipprovdu referenza ġenerali utli, u eżempji ta' metodi analitiċi għall-valutazzjonijiet tal-impatt, konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u metodi analitiċi biex iqabblu l-għażliet jew jivvalutaw il-prestazzjoni (17) kif ukoll metodi biex jiġu vvalutati l-ispejjeż u l-benefiċċji li jistgħu jkunu utli. L-eżempji ta' metodi analitiċi biex jiġu ddeterminati l-PuM addizzjonali meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet huma deskritti fit-taqsima 6.3.

Meta jevalwaw il-PuM, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kif kull PuM tista' tiġi implimentata, permezz ta' liema mekkaniżmi ta' twettiq u jekk hemmx xi restrizzjonijiet li jimminaw il-fattibbiltà tagħha. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jinkludu:

Hemm xi leġiżlazzjoni eżistenti li timpedixxi l-implimentazzjoni tal-PuM bi kwalunkwe mod?

F'liema livell għandha tiġi implimentata l-miżura – livell nazzjonali, reġjonali jew lokali? Dan jista' jikkunsidra wkoll jekk xi miżura potenzjalment kosteffettiva għandhiex tiġi riferuta għad-diskussjoni fil-livell tal-UE.

Liema strument ikun l-iktar adattat għall-implimentazzjoni tal-PuM (strumenti regolatorji, mhux regolatorji, ekonomiċi, kondiviżjoni tal-informazzjoni)?

Min se jkun responsabbli għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-PuM?

Meta huwa ppjanat li jintlaħaq it-tnaqqis fl-emissjonijiet assoċjat mal-PuM?

Kif se jiġu ffinanzjati l-PuM?

Kif se jiġi mmonitorjat il-progress fl-implimentazzjoni tal-PuM? X'inhuma l-indikaturi li se jintużaw u liema miri intermedji għandhom jiddaħħlu fis-seħħ?

Pass Nru 4: Prijoritizzazzjoni tal-PuM

Indipendentement mill-għażla tal-metodu ta' evalwazzjoni, f'konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva, meta jintgħażlu l-PuM għall-inklużjoni fl-NAPCP, l-Istati Membri għandhom:

iqisu, meta jipprijoritizzawhom, jekk il-PuM għandhomx impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-arja u jekk jikkontribwixxux għall-kisba tal-konformità mal-objettivi tal-kwalità tal-arja fit-territorji tagħhom u fl-Istati Membri ġirien (l-Artikolu 6(2)(a) u (b)). Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom iqisu l-aħjar prattiki biex jiġu indirizzati l-inkwinanti l-iktar ta' ħsara fir-rigward ta' gruppi sensittivi tal-popolazzjoni (il-premessa 20).

jagħtu prijorità lill-PuM li jnaqqsu l-karbonju iswed, meta jqisu miżuri għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-PM2.5 (l-Artikolu 6(2)(c)). Is-setturi prinċipali li jikkontribwixxu għall-emissjonijiet tal-PM2.5 (eż. il-kombustjoni domestika tal-karburant solidu, it-trasport bit-triq u l-makkinarju mobbli mhux tat-triq) huma wkoll dawk li jikkontribwixxu l-iktar għall-emissjonijiet tal-karbonju iswed.

Fl-għażla tal-miżuri, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-opportunità li jmexxu l-investiment lejn teknoloġiji nodfa u effiċjenti (il-premessa 24). Jekk l-affarijiet l-oħrajn jibqgħu l-istess, ikun naturali li tingħata prijorità lil dawk il-PuM li jikkontribwixxu biex jinkisbu impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet għal iktar minn inkwinant wieħed. Jistgħu jkunu meħtieġa wkoll miżuri li ma għandhomx impatt dirett fuq l-emissjonijiet iżda li jippermettu l-implimentazzjoni b'suċċess ta' miżuri oħrajn (eż. bidliet fil-qafas legali).

Wara r-riżultati miksuba permezz tal-proċess ta' evalwazzjoni (il-pass nru 3), id-deċiżjoni finali dwar liema PuM se jadottaw se tkun influwenzata minn fatturi soċjali u politiċi li jistgħu ma jinqabdux kompletament mill-metodi deskritti f'din il-gwida. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiffurmaw il-metodoloġiji ta' evalwazzjoni biex iqisu dawn il-fatturi, possibbilment billi jiġu inklużi bħala kriterji ta' evalwazzjoni addizzjonali. Fejn potenzjalment ikun hemm problema bl-aċċettabbiltà soċjali jew politika, l-Istati Membri huma mħeġġa jidentifikaw għażliet għal komunikazzjoni u kooperazzjoni iktar effettivi mal-partijiet interessati rilevanti u għall-mitigazzjoni tal-konsegwenzi għall-gruppi l-iktar affettwati. Minħabba l-firxa ta' kunsiderazzjonijiet li jridu jiġu kkunsidrati, l-analiżijiet SWOT u dawk ibbażati fuq bosta kriterji jistgħu jkunu utli biex jagħtu prijorità lill-miżuri għall-adozzjoni fl-NAPCP (18). L-eżempji ta' metodi analitiċi li jsostnu prijoritizzazzjoni bħal din huma stabbiliti fit-taqsima 6.4.

It-taqsima 2.6.1 tal-format tkopri kemm il-PuM ikkunsidrati li ġew magħżula u l-PuM ikkunsidrati li ma ġewx magħżula minħabba li r-raġunijiet sottostanti għall-iskartar ta' PuM jistgħu jkunu importanti għal iktar analiżi u billi PuM tista' ssir xierqa fi stadju iktar tard. Billi t-taqsima 2.6.1 teħtieġ il-kwantifikazzjoni tat-tnaqqis mistenni fl-emissjonijiet tal-PuM ikkunsidrati, huwa obbligatorju biss ir-rapportar tal-PuM ikkunsidrati iżda skartati u li laħqu l-istadju tal-kwantifikazzjoni. Madankollu l-Istati Membri huma ħielsa li jinkludu PuM ikkunsidrati li għalihom ma saret l-ebda kwantifikazzjoni.

Biex tiġi ffaċilitata l-kwantifikazzjoni tat-tnaqqis mistenni fl-emissjonijiet tal-PuM ikkunsidrati, dawk jistgħu jiġu vvalutati wkoll bħala pakkett ta' PuM.

Fir-rigward tal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi u kompetenti kkonċernati matul il-proċess tal-evalwazzjoni tal-miżuri possibbli, jekk jogħġbok ara l-Kapitolu 4.

2.6.2.    L-impatti fuq il-kwalità tal-arja u fuq l-ambjent

It-Taqsima 2.6.2 tal-format tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni, fejn disponibbli, dwar l-impatti tal-PuM addizzjonali fuq il-kwalità tal-arja u l-ambjent. It-Taqsima 2.5.2 ta' dan id-dokument ta' gwida tipprovdi iktar informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatti tal-kwalità tal-arja, bħalma tagħmel it-taqsima 6.1.

2.6.3.    Stima tal-ispejjeż u l-benefiċċji

L-Istati Membri huma mħeġġa jirrapportaw l-istimi tal-kostijiet u tal-benefiċċji previsti fuq bażi volontarja. Fejn isir, dan għandu jkun konformi mar-rapportar skont l-MRR biex jappoġġja l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif ġej:

Il-kostijiet f'EUR għal kull tunnellata mnaqqsa ta' inkwinanti

Il-kostijiet u l-benefiċċji assoluti kull sena f'EUR

Deskrizzjoni kwalitattiva, u l-proporzjon, tal-istimi tal-kostijiet u tal-benefiċċji

Is-sena tal-prezzijiet għall-kostijiet irrapportati

Is-sena li għaliha ġew ikkalkulati l-istimi

Ara wkoll it-taqsima 6.3.

2.6.   Għażliet ta' politika (Politiki u Miżuri) ikkunsidrati biex ikun hemm konformità mal-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet għall-2020 u għall-2030, u l-livelli intermedji tal-emissjonijiet għall-2025

L-Istati Membri għandhom iwettqu analiżi komprensiva tal-PuM addizzjonali kollha kkunsidrati fl-iżvilupp tal-NAPCP inizjali tagħhom. Din l-analiżi għandha

 

tikkunsidra l-perjodu bejn l-2020 u l-2029, u l-2030 'il quddiem, u l-livelli intermedji tal-emissjonijiet iddeterminati għall-2025.

Din l-analiżi se tifforma l-evidenza li se tippermetti lill-Istati Membri jevalwaw l-iktar PuM xierqa għall-għażla fl-NAPCP inizjali tagħhom.

Dettalji dwar il-PuM ikkunsidrati li jikkonformaw mal-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet, u l-impatti fuq il-kwalità tal-arja u l-ambjent

Kontenut obbligatorju:

Din it-taqsima hija mfassla biex timmassimizza s-sinerġiji mar-rapportar skont ir-Regolament dwar il-Monitoraġġ u r-Rapportar (MRR). Tinkludi l-informazzjoni li ġejja (l-informazzjoni dwar l-impatti għandha idealment tkun fil-livell tal-PuM jew skont il-pakkett tal-PuM):

a)

Dettalji dwar il-PuM addizzjonali (inkluż l-isem u deskrizzjoni qasira)

b)

L-inkwinanti tal-NECD affettwati għall-2020, l-2025 u l-2030

c)

L-objettivi tal-PuM individwali/tal-pakkett ta' PuM

d)

It-tip ta' PuM

e)

Is-settur primarju affettwat u s-settur(i) addizzjonali affettwati

f)

Il-perjodu ta' implimentazzjoni (obbligatorju biss għall-miżuri magħżula għall-implimentazzjoni)

g)

L-awtorità responsabbli mill-implimentazzjoni (obbligatorju biss għall-miżuri magħżula għall-implimentazzjoni)

h)

Dettalji tal-metodoloġija/mudell(i) użati biex jiddeterminaw l-istimi

i)

Tnaqqis fl-emissjonijiet ikkwantifikat mistenni għal PuM individwali/pakkett ta' PuM

j)

Fejn disponibbli, deskrizzjoni tal-inċertezzi

k)

Fejn disponibbli, l-impatti fuq il-kwalità tal-arja u l-ambjent tal-pakketti differenti ta' PuM ikkunsidrati għall-inklużjoni fl-NAPCP.

Kontenut fakultattiv:

Stima tal-ispejjeż u l-benefiċċji

2.6.4.    Dettalji addizzjonali għall-għażliet ta' politika li għandhom fil-mira l-agrikoltura

It-Taqsima 2.6.4 tal-format hija ddedikata speċifikament għal dawk il-miżuri elenkati fl-Anness III, il-Parti 2 tad-Direttiva li jikkostitwixxu “miżuri addizzjonali”. Jekk rilevanti, għandu jiġi indikat liema modifiki saru lil xi miżura minnhom. Dawk il-miżuri fl-Anness III, il-Parti 2 li diġà ġew implimentati jew adottati għandhom jiġu inklużi fit-taqsima 2.4.

2.6.4.   Informazzjoni addizzjonali għall-għażliet ta' politika li għandhom fil-mira l-agrikoltura biss

Kontenut obbligatorju:

Ipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-miżuri obbligatorji elenkati fl-Anness III, il-Parti 2 tad-Direttiva.

Kontenut fakultattiv:

Ipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-miżuri fakultattivi elenkati fl-Anness III, il-Parti 2 tad-Direttiva jew miżuri ekwivalenti skont l-Artikolu 6(2), l-aħħar sentenza tad-Direttiva.

2.7.   Il-politiki magħżula għall-adozzjoni skont is-settur, inkluża skeda għall-adozzjoni, l-implimentazzjoni u r-rieżami tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli

2.7.1.    PuM individwali jew pakketti ta' PuM magħżula għall-adozzjoni u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli

Abbażi tar-riżultati tal-analiżi tal-effikaċja tal-miżuri biex jintlaħqu l-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet, l-ispejjeż u l-fattibbiltà tal-implimentazzjoni, il-prijoritizzazzjoni u r-rispons għall-proċess ta' konsultazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħżlu l-iktar PuM promettenti għall-inklużjoni fl-NAPCP u jipprovdu l-informazzjoni identifikata fil-kaxxa hawn taħt.

Il-feedback li jirċievu mill-konsultazzjoni rilevanti għall-għażla jew għat-tfassil tal-PuM jista' jkun stabbilit fl-NAPCP. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jispeċifikaw miri u indikaturi interim għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-PuM magħżula bil-ħsieb li jaqsmu l-aħjar prattika.

2.7.1.   PuM magħżula għall-adozzjoni, u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli

Kontenut obbligatorju:

Abbażi tar-riżultat tal-analiżi mwettqa qabel, l-Istati Membri huma meħtieġa jirrapportaw informazzjoni dwar il-PuM addizzjonali magħżula għall-inklużjoni fl-NAPCP, kif ġej:

Fil-livell ta' PuM individwali jew pakkett ta' PuM:

a)

Isem u deskrizzjoni qasira tal-PuM/pakkett

b)

Sena ppjanata għall-adozzjoni u l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni (sena/snin)

c)

Skeda ta' żmien ippjanata għar-rieżami (sena)

d)

Awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni u r-regolazzjoni tal-PuM

Kontenut fakultattiv:

a)

Kummenti rilevanti li jirriżultaw mill-konsultazzjoni b'rabta mal-PuM individwali jew mal-pakkett ta' PuM

b)

L-informazzjoni dwar miri u indikaturi interim magħżula biex jimmonitorjaw il-progress fl-implimentazzjoni tal-PuM magħżula – ara l-kapitolu 3 għal iktar dettall dwar dan il-kontenut u kif jista' jiġi elaborat.

2.7.2.    Spjegazzjoni tal-għażla ta' PuM magħżula u valutazzjoni ta' kif il-PuM magħżula jiżguraw il-koerenza mal-pjanijiet u mal-programmi stabbiliti f'oqsma rilevanti oħrajn ta' politika

Ladarba l-PuM addizzjonali jkunu ntgħażlu għall-inklużjoni fl-NAPCP inizjali, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni tal-koerenza ġenerali biex jiżguraw li l-NAPCP ikun koerenti ma' pjanijiet u programmi oħrajn stabbiliti f'oqsma rilevanti oħrajn ta' politika, f'konformità mal-Artikolu 6(2)(d) u l-Anness III, il-Parti 1, il-punt 1(f) tad-Direttiva. L-għan li tiġi żgurata l-koerenza fl-ippjanar u l-ipprogrammar huwa li jiġu identifikati u massimizzati sinerġiji potenzjali, kif ukoll li jiġi evitat li l-PuM konfliġġenti jiġu adottati skont oqsma ta' politika differenti. Il-koerenza tinkludi pereżempju l-valutazzjoni tal-impatti potenzjali tal-PuM fuq il-politika dwar il-klima f'termini ta' emissjonijiet ta' GHG jew konsum tal-enerġija.

L-Artikolu 6(2)(b) isemmi l-ħtieġa partikolari għall-koerenza mal-objettivi tal-kwalità tal-arja. Għal dan il-għan il-format jiddistingwi bejn il-koerenza mal-objettivi tal-kwalità tal-arja u l-koerenza ma' pjanijiet u programmi rilevanti oħrajn stabbiliti fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni. L-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' inkwinanti tal-arja sabiex tintlaħaq il-konformità mal-objettivi relatati mal-kwalità tal-arja. Dawn huma ddefiniti fl-Artikolu 3(4) bħala l-valuri ta' limitu, il-valuri fil-mira u l-obbligi tal-konċentrazzjoni tal-esponiment għall-kwalità tal-arja stabbiliti fid-Direttivi rilevanti tal-UE. (19) Il-valutazzjoni tal-koerenza għandha normalment tkopri mill-inqas PM10, PM2.5, NO2 u O3, kif ukoll kwalunkwe objettiv ieħor tal-kwalità tal-arja li għalih l-Istat Membru ma jkunx konformi. Meta jintgħażlu PuM skont l-NAPCP, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi kkunsidrat l-impatt tagħhom fuq il-kwalità tal-arja. Pereżempju, it-tnaqqis ta' NOX minn impjanti tal-enerġija remoti ftit li xejn jista' jikkontribwixxi għall-konċentrazzjonijiet ta' NO2 urbani, minkejja li l-esponiment ikun ikbar fiż-żoni urbani.

Biex jissodisfaw ir-rekwiżit tal-Artikolu 6(2)(d), l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw, sa fejn hu fattibbli, l-iżvilupp tal-NAPCP tagħhom u l-inventarji u l-previżjonijiet assoċjati tal-emissjonijiet ma' pjanijiet u programmi nazzjonali oħrajn rilevanti, bħal dawk relatati mas-setturi ewlenin li jarmu inkwinanti rregolati skont l-NECD, inkluż l-agrikoltura, l-industrija u t-trasport.

L-NAPCP inizjali għandu jiżgura wkoll il-koerenza mal-abbozz tal-Pjanijiet Nazzjonali Integrati dwar l-Enerġija u l-Klima li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw previżjonijiet tal-emissjonijiet “B'Miżuri Addizzjonali” (WAM) li l-ewwel iqisu l-PuM kollha ppjanati għall-implimentazzjoni skont l-abbozz u skont il-Pjanijiet Nazzjonali Integrati finali għall-Enerġija u l-Klima, qabel jipproċedu għall-identifikazzjoni ta' miżuri addizzjonali fil-kuntest tal-NECD.

Biex tiġi żgurata l-koerenza tal-NAPCP mal-pjanijiet u l-programmi żviluppati f'oqsma rilevanti oħrajn ta' politika l-Istati Membri għandhom:

1.

Jidentifikaw il-politiki, pjanijiet, programmi u strateġiji nazzjonali jew subnazzjonali relatati li jistgħu jaffettwaw l-NECD (eż. il-politiki, il-pjanijiet u l-istrateġiji dwar il-kwalità tal-arja, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, l-agrikoltura u t-trasport), u jivvalutaw liema impatti jista' jkollhom (kemm pożittivi kif ukoll negattivi) fuq il-kapaċità tal-Istat Membru biex jissodisfa l-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet skont l-NECD.

Pereżempju, il-politiki dwar it-tassazzjoni tal-karburant jistgħu jinkoraġġixxu użu ikbar ta' karozzi tal-passiġġieri li jaħdmu bid-diżil li jista' jirriżulta f'żidiet fl-emissjonijiet ta' NOx u PM2.5 irregolati skont l-NECD. Bl-istess mod, uħud mill-politiki dwar l-enerġija jistgħu jinkoraġġixxu użu ikbar tal-bijomassa għall-provvista deċentralizzata tas-sħana u/jew l-enerġija fis-settur domestiku, li jista' jġib is-sorsi tal-emissjonijiet eqreb lejn żoni popolati, u jħalli impatt fuq il-kwalità tal-arja lokali u b'hekk iżid l-esponiment uman għat-tniġġis meta mqabbel ma' ġenerazzjoni tas-sħana iktar ċentralizzata.

2.

Fejn jiġu identifikati implikazzjonijiet negattivi fuq l-NECD, ikkunsidra jekk l-objettiv tal-politika rilevanti jistax jintlaħaq jew le mingħajr konsegwenzi negattivi għall-objettivi tal-NECD.

Għandhom jiġu identifikati mezzi alternattivi biex jinkiseb l-objettiv ta' politika rilevanti, kif ukoll il-kamp ta' applikazzjoni biex jinbidel il-pjan inkwistjoni (eż. kwalunkwe rieżami formali li ġejja) u fatturi li jistgħu jaffettwaw l-aċċettabbiltà tal-bidliet (soċjali, ekonomiċi u legali).

Jekk l-analiżi ta' hawn fuq turi li mhuwiex (sa issa) possibbli li jiġi indirizzat l-impatt negattiv fis-sors, ivvaluta jekk il-PuM fl-NAPCP jistgħux jimmitigaw l-impatti negattivi.

3.

Meta tikkunsidra PuM addizzjonali għall-inklużjoni fl-NAPCP, identifika kif dawn jistgħu jaffettwaw politiki, pjanijiet u programmi nazzjonali jew subnazzjonali oħrajn.

Pereżempju, miżuri addizzjonali inklużi fl-NAPCP jistgħu jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-objettivi ta' tnaqqis fil-GHG, bħal sussidji biex jappoġġjaw ix-xiri ta' vetturi b'emissjonijiet baxxi f'żoni urbani. Titjib fil-mod kif jinħażen u jixxerred id-demel fis-settur agrikolu jista' wkoll jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-objettivi, ngħidu aħna, tad-Direttiva dwar in-Nitrati.

Miżuri addizzjonali fl-NAPCP li jistgħu jħallu impatt negattiv fuq pjanijiet jew programmi oħrajn għandhom jiġu evitati jekk possibli (eż. fejn l-adozzjoni ta' ċerti prattiki ta' kombustjoni biex jitnaqqas l-SO2 tista' twassal għal volumi ikbar ta' skart alkalin li jmur fil-landfill, bħal fil-każ ta' kombustjoni b'sodda fluwidizzata).

L-indikazzjoni tal-politiki/pjanijiet li magħhom għandha tiġi kkunsidrata l-koerenza hija ppreżentata fit-Tabella 1. Filwaqt li qed issir referenza għal-leġiżlazzjoni tal-UE, huwa evidenti b'mod ċar li dak li hu rilevanti hija l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali ta' din il-leġiżlazzjoni u tal-pjanijiet u l-programmi assoċjati (inkluż l-implimentazzjoni fil-livell reġjonali u/jew lokali). It-Tabella 1 mhijiex lista eżawrjenti u se tkun soġġetta għal bidla hekk kif il-pjanijiet u l-programmi jiġu aġġornati maż-żmien.

Tabella 1

Pjanijiet, programmi u rekwiżiti ta' rapportar potenzjalment rilevanti skont is-settur

Is-settur NFR

Pjanijiet, programmi u rekwiżiti ta' rapportar potenzjalment rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati

Produzzjoni tal-enerġija

Strateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE (21) – u objettivi nazzjonali assoċjati għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli, effiċjenza fl-enerġija u tnaqqis fil-GHG.

Il-koerenza għandha tiġi vvalutata skont il-Pjanijiet Nazzjonali Integrati Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima tal-Istat Membru, kif deskritt fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

L-agrikoltura

Il-koerenza għandha tinkiseb bil-prijoritajiet stabbiliti fil-Programmi ta' Żvilupp Rurali (PŻR) tal-Istati Membri. Il-koerenza għandha tiġi vvalutata fil-PŻR kollha adottati minn Stat Membru. Il-PŻR u l-informazzjoni ġenerali jistgħu jiġu aċċessati permezz tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni (22).

Skart

Strateġija tal-Ekonomija Ċirkolari tal-UE (23) – u implikazzjonijiet nazzjonali assoċjati għar-riċiklaġġ u t-tnaqqis tal-landfill.

Trasport (bit-triq/ mhux bit-triq)

Strateġija tal-UE għal Mobilità b'Emissjonijiet Baxxi (24) – u implikazzjonijiet nazzjonali u subnazzjonali assoċjati għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tat-trasport.

Qafas ta' Politika Nazzjonali għall-iżvilupp tas-suq fir-rigward ta' karburanti alternattivi fis-settur tat-trasport skont id-Direttiva dwar l-użu ta' infrastruttura ta' karburanti alternattivi. (25)

Pakkett ta' Mobilità Urbana tal-UE (26) għal miżuri implimentati fil-livell tal-ibliet

Oħrajn

Pjanijiet tal-kwalità tal-arja transnazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali skont l-AAQD.

L-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità u d-Direttiva dwar il-Ħabitats – fejn il-ħabitats huma mhedda mill-ewtrofikazzjoni (27).

Pjanijiet ta' Ġestjoni tal-Baċir tax-Xmara skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (28).

Pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni għan-nitrati (29).

Strateġiji integrati għal żvilupp urban sostenibbli (30).

2.7.2.   Spjegazzjoni tal-għażla ta' miżuri magħżula u valutazzjoni ta' kif il-PuM magħżula jiżguraw il-koerenza mal-pjanijiet u mal-programmi stabbiliti f'oqsma rilevanti oħrajn ta' politika

Kontenut obbligatorju:

Abbażi tar-riżultat tal-analiżi mwettqa qabel, l-Istati Membri huma meħtieġa jirrapportaw dwar il-koerenza tal-PuM addizzjonali magħżula għall-inklużjoni fl-NAPCP mal-objettivi tal-kwalità tal-arja u rekwiżiti oħrajn nazzjonali jew tal-Unjoni, kif ġej:

Koerenza mal-objettivi tal-kwalità tal-arja fit-territorji proprji u, fejn xieraq, fl-Istati Membri ġirien

Koerenza ma' pjanijiet u programmi rilevanti oħrajn stabbiliti bis-saħħa tar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni.

Kontenut fakultattiv:

L-ispjegazzjoni tal-għażla li saret minn fost il-miżuri kkunsidrati fit-taqsima 2.6.1 biex jiġi stabbilit is-sett finali ta' miżuri magħżula.

2.8.   Previżjonijiet dwar l-impatti kkombinati tal-PuM (“B'Miżuri Addizzjonali”, WAM) fuq it-tnaqqis fl-emissjonijiet, il-kwalità tal-arja u l-ambjent, u l-inċertezzi assoċjati

2.8.1.    Previżjoni dwar il-ksib tal-impenji tat-tnaqqis fl-emissjonijiet

L-impatti kkombinati li ġejjin għall-miżuri kollha magħżula għandhom jiġu vvalutati b'mod kwantitattiv: L-impatt tal-PuM magħżula kollha dwar l-emissjonijiet ta' kull inkwinant tal-NECD għall-2020, l-2025 u l-2030;

2.8.2.    Perkors mhux lineari għat-tnaqqis fl-emissjonijiet

Fejn tnaqqis previst fl-emissjonijiet skont ix-xenarju WAM ma jirriżultax f'perkors lineari bejn l-2020 u l-2030, l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu informazzjoni ta' sostenn li tikkonferma li l-miżuri adottati se jwasslu l-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet għall-2030. Din l-informazzjoni ta' sostenn għandha tenfasizza l-analiżi mwettqa għat-tnaqqis fl-emissjonijiet għas-serje ta' żmien u tispjega għalfejn it-tnaqqis mhux se jitwassal b'mod lineari. Il-perkors mhux lineari huwa aċċettabbli biss f'ċirkostanzi fejn hemm evidenza li turi li huwa ekonomikament jew teknikament iktar effiċjenti, u ma jaffettwax milli jinkiseb xi impenn ta' tnaqqis għall-2030 (l-Artikolu 4(2)).

L-Istat Membru għandu juri wkoll li, mill-2025 'il quddiem, il-perkors mhux lineari jikkonverġi mal-perkors lineari biex jilħaq l-istess impenji ta' tnaqqis fl-emissjonijiet għall-2030. L-informazzjoni dwar il-perkors previst tat-tnaqqis fl-emissjonijiet, inkluż l-istatus fl-2025, għandha tkun inkluża fil-proposti tal-NAPCP ippreżentati lill-pubbliku għall-konsultazzjoni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva.

Il-linja griża fil-Figure 2 hawn taħt tippreżenta eżempju ta' perkors lineari għat-tnaqqis fl-emissjonijiet bejn l-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet għall-2020 u għall-2030. Fl-eżempju ppreżentat, skont ix-xenarju WAM ta' previżjoni tal-emissjonijiet (linja oranġjo miksura), kemm l-impenji tal-2020 kif ukoll tal-2030 jiġu ssodisfati, iżda t-tnaqqis fl-emissjonijiet miksub bejn l-2020 u l-2030 ma jsegwix perkors lineari. L-ispjegazzjoni trid turi għaliex iktar miżuri biex jintlaħaq il-limitu massimu tal-perkors lineari fl-2025 ikunu jinvolvu kostijiet sproporzjonati (l-Anness III, il-Parti 1, il-punt 1(d)).

Karatterizzazzjoni ta' “kostijiet sproporzjonati”

Skont l-Istrateġija ta' Implimentazzjoni Komuni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, tħejjiet gwida dwar l-eżenzjonijiet għall-objettivi ambjentali. Qed tingħata attenzjoni speċifika għal “kostijiet sproporzjonati”, ara:

http://ec.europa.eu/environment/water/water-framework/economics/pdf/Guidance_document%2020.pdf

Fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Programm ta' Miżuri tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tal-2015, hemm iktar kummenti dwar l-interpretazzjoni tal-kostijiet sproporzjonati mill-Istati Membri. Ara:

http://ec.europa.eu/environment/water/water-framework/pdf/4th_report/CSWD%20Report%20on%20WFD%20PoMs.pdf

L-istudju ta' evalwazzjoni konkluż riċentement li jappoġġja l-Kontroll tal-Idoneità tal-Kummissjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats jipprovdi wkoll għarfien dwar l-interpretazzjoni tal-kostijiet sproporzjonati. Ara:

http://ec.europa.eu/environment/nature/legislation/fitness_check/docs/study_evaluation_support_fitness_check_nature_directives.pdf

Figura 2

Eżempju ta' xenarju ta' tnaqqis fl-emissjonijiet li ma jirriżultax f'perkors lineari bejn l-2020 u l-2030

Image 2

2.8.3.    L-użu ta' flessibbiltajiet

Ara l-Anness III Parti 1 (1)(e)

Id-Direttiva tinkludi dispożizzjoni li tippermetti l-użu ta' flessibbiltajiet fir-rigward tar-rapportar ta' inventarji nazzjonali tal-emissjonijiet f'ċirkostanzi partikolari (ara l-Artikolu 5). Għal dawk il-flessibbiltajiet li diġà kienu jeżistu fil-Protokoll ta' Gothenburg (rivedut) (31), il-kundizzjonijiet fid-Direttiva huma allinjati ma' dawk diġà stabbiliti skont is-CLRTAP, għalkemm id-Direttiva introduċiet xi restrizzjonijiet addizzjonali. Barra minn hekk, l-użu tal-flessibbiltajiet jeħtieġ approvazzjoni annwali mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-flessibbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u 5(4) tad-Direttiva japplikaw prinċipalment għal każijiet fejn ċirkostanzi eċċezzjonali jirriżultaw f'nuqqas ta' konformità mhux ippjanat ma' impenji ta' tnaqqis fl-emissjonijiet, u għalhekk mhumiex rilevanti meta jiġi fformulat l-ewwel darba l-NAPCP (iżda jistgħu jkunu għal aġġornamenti iktar tard). Madankollu, il-mekkaniżmu ta' flessibbiltà deskritt fl-Artikolu 5(3) huwa wieħed li jista' jkun ikkunsidrat fl-ippjanar:

“Jekk f'sena partikolari Stat Membru, li għalih impenn ta' tnaqqis wieħed jew aktar stabbiliti fl-AnnessII huma stabbiliti f'livell aktar strett mit-tnaqqis kosteffikaċi identifikat fit-TSAP 16, ma jistax jikkonforma mal-impenn ta' tnaqqis ta' emissjonijiet rilevanti wara li jkun implimenta l-miżuri kosteffikaċi kollha, għandu jitqies li qed jikkonforma ma' dak l-impenn għat-tnaqqis ta' emissjonijiet rilevanti għal massimu ta' ħames snin, sakemm għal kull waħda minn dawk is-snin jikkumpensa għal dak in-nuqqas ta' konformità permezz ta' tnaqqis ekwivalenti tal-emissjonijiet ta' inkwinant ieħor imsemmi fl-Anness II.”

Stat Membru li jissodisfa l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 5(3) u li jixtieq jagħmel użu mill-flessibbiltà għandu jiżgura li l-NAPCP jinkludi miżuri li jiżguraw li:

l-impenn tat-tnaqqis inkwistjoni jiġi rrispettat fi żmien ħames snin;

l-eċċess jiġi kkumpensat f'kull sena li jippersisti fiha.

2.8.4.    Titjib previst

Biex jintwera t-titjib previst fil-kwalità tal-arja skont xenarju WAM, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-elementi li ġejjin:

a)

In-numru previst ta' żoni tal-kwalità tal-arja li mhumiex konformi u li huma konformi (miż-żoni kollha) għas-snin 2020, 2025, u 2030;

b)

L-iskorrimenti massimi previsti tal-valuri ta' limitu tal-kwalità tal-arja u l-indikaturi medji tal-esponiment għas-snin 2020, 2025 u 2030;

c)

Fejn id-data kwantitattiva mhijiex disponibbli, it-titjib previst kwalitattiv fil-kwalità tal-arja (WAM) u l-grad ta' konformità.

Ir-rapportar tal-previżjonijiet “WAM” dwar il-kwalità tal-arja għandu preferibbilment jinkludi mapep li juru l-previżjoni tal-evoluzzjoni tal-konċentrazzjonijiet skont ix-xenarju WAM mill-inqas għall-inkwinanti li ġejjin: NO2, PM10, PM2.5 u O3, u għal inkwinanti AAQD oħrajn li għalihom Stat Membru jiffaċċja problemi sinifikanti. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll l-użu ta' istogrammi li juru l-previżjoni tal-evoluzzjoni pprojettata, skont ix-xenarju WAM, tan-numru ta' żoni li ma jikkonformawx, l-iskorriment massimu nazzjonali, u (għal PM2.5) l-indikatur tal-esponiment medju. L-istogramma għandha tinkludi n-numru totali ta' żoni bħala referenza.

2.8.5.    Impatti pprojettati fuq l-ambjent

Fejn l-Istati Membri jinkludu l-impatti previsti tax-xenarju WAM fuq l-ambjent għall-2020, l-2025 u l-2030 fl-NAPCP, l-indikaturi għandhom jiġu allinjati ma' dawk użati skont il-Konvenzjoni fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira dwar l-esponiment tal-ekosistemi għall-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu. (32) L-Istati Membri jistgħu jipprovdu deskrizzjoni kwalitattiva ta' dawn l-impatti jew jikkwantifikaw l-impatti f'termini ta' sehem (%) tat-territorju tal-Itat Membru espost għal:

a)

aċidifikazzjoni li taqbeż il-limitu tal-livell kritiku;

b)

ewtrofikazzjoni li taqbeż il-limitu tal-livell kritiku;

c)

ożonu li jaqbeż il-limitu tal-livell kritiku.

2.8.   Previżjoni tal-impatti kkombinati tal-PuM (“B'Miżuri Addizzjonali”, WAM) fuq it-tnaqqis fl-emissjonijiet, il-kwalità tal-arja fit-territorji proprji u fl-Istati Membri ġirien u l-ambjent u l-inċertezzi assoċjati

Għall-PuM magħżula għall-adozzjoni, analizza l-impatti kkombinati tal-PuM fuq it-tnaqqis fl-emissjonijiet, u possibbilment il-kwalità tal-arja u l-ambjent u l-inċertezzi assoċjati.

Kontenut obbligatorju:

Previżjoni dwar l-issodisfar tal-impenji tat-tnaqqis fl-emissjonijiet (WAM)

Biex tintwera l-kisba prevista tal-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet skont xenarju WAM, il-kontenut għal din it-taqsima jinkludi l-informazzjoni li ġejja fil-livell tal-Programm:

a)

L-impenji nazzjonali għat-tnaqqis fl-emissjonijiet (kif rapportati fid-Direttiva);

b)

L-emissjonijiet (kt) għas-sena bażi 2005, u l-emissjonijiet previsti għall-2020, l-2025, u l-2030;

c)

Il-progress previst bħala perċentwal tas-sena bażi biex jitqabbel mal-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet;

d)

Fejn xieraq, jiġifieri fejn perkors ta' tnaqqis fl-emissjonijiet mhux lineari huwa evidenti, dimostrazzjoni li dan huwa teknikament jew ekonomikament iktar effiċjenti li ma tikkompromettix il-kisba ta' xi impenn ta' tnaqqis fl-2030, u li l-perkors jikkonverġi fil-perkors lineari mill-2025 'il quddiem;

e)

Fejn rilevanti, jiġifieri fejn applikat, agħti rendikont tal-użu tal-flessibbiltajiet.

Kontenut fakultattiv:

Titjib previst fil-kwalità tal-arja (WAM)

Impatti previsti fuq l-ambjent (WAM)

3.   IL-MONITORAĠĠ TAL-PROGRESS FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PUM U L-PROGRAMM NAZZJONALI GĦALL-KONTROLL TAT-TNIĠĠIS TAL-ARJA

Il-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala parti mid-disinn u l-implimentazzjoni sussegwenti ta' PuM addizzjonali u l-NAPCP kollu. Din il-gwida tiffoka fuq l-elaborazzjoni tal-NAPCP inizjali u għalhekk il-monitoraġġ tal-progress huwa deskritt f'dan il-kuntest bħala parti minn ċiklu kontinwu. Huwa rikonoxxut li l-monitoraġġ tal-NAPCP inizjali se jipprovdi l-bażi għall-elaborazzjoni tal-aġġornamenti sussegwenti tal-NAPCP fejn iċ-ċirkostanzi jinbidlu u l-aġġustamenti huma meħtieġa. Madankollu, dan id-dokument ma jipprovdix gwida dwar kif tagħmel dan.

Għodda #35 (33) tal-Istrumenti għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-KE, għalkemm mhux indirizzata direttament lill-Istati Membri tista' tipprovdi gwida dwar l-arranġamenti ta' monitoraġġ u l-indikaturi għall-implimentazzjoni tal-politika fir-rigward tat-tfassil tal-politika tal-UE. L-aspetti tal-Istrumenti jistgħu jintużaw biex jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-arranġamenti ta' monitoraġġ u l-indikaturi għall-NAPCP inizjali tagħhom. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-NAPCP għandu jifforma parti integrali mill-programm inizjali. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jippjanaw l-arranġamenti ta' evalwazzjoni għal PuM individwali sabiex jiddeterminaw jekk, fil-livell tal-PuM, l-objettivi ntlaħqux b'mod effettiv u effiċjenti, u r-raġunijiet għas-suċċess jew il-falliment tal-PuM.

Il-metodi biex jiġi ddeterminat il-progress magħmul mill-PuM attwali ġew deskritti fit-taqsima 2.4. Huwa rikonoxxut li, għal miżuri adottati (WM), xorta jista' jkun hemm data limitata dwar il-progress fl-implimentazzjoni sal-lum. Fl-elaborazzjoni tal-NAPCP, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-progress fl-implimentazzjoni tal-NAPCP kollu, kif ukoll għal PuM addizzjonali individwali, jiġi mmonitorjat permezz ta' ġbir kontinwu u sistematiku ta' data. Għandhom jiġu stabbiliti miri intermedji, fejn applikabbli, biex jiġi żgurat li kwalunkwe kwistjoni dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-NAPCP u l-PuM tiġi skoperta kmieni. Għall-NAPCP kollu, il-monitoraġġ tal-progress għandu jitwettaq b'mod relattiv għall-perkors tat-tnaqqis fl-emissjonijiet stabbilit fl-NAPCP inizjali.

Il-monitoraġġ tal-NAPCP u l-PuM individwali għandu jitwettaq matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u fil-livelli rilevanti ta' implimentazzjoni (jiġifieri nazzjonali/ reġjonali/ lokali):

Implimentazzjoni: l-introduzzjoni tal-PuM f'liġijiet, pjanijiet u programmi fil-livell lokali, reġjonali u/jew nazzjonali kif definit fl-NAPCP;

Applikazzjoni: il-monitoraġġ tal-progress fil-PuM kontra l-objettivi inizjali tagħhom. Dan għandu jkun appoġġjat mill-monitoraġġ ta' indikaturi speċifiċi kif deskritt hawn taħt;

Konformità u infurzar: il-monitoraġġ ta' azzjonijiet speċifiċi meħuda minn operaturi, awtoritajiet u aġenziji, il-monitoraġġ ta' kull spezzjoni li saret u azzjonijiet ta' infurzar meħuda.

Għandu jitwettaq monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tal-NAPCP u PuM addizzjonali kontra sett ta' indikaturi stabbiliti fil-livell tal-programm u tal-PuM individwali.

Meta jiddefinixxu l-indikaturi għall-NAPCP u l-PuM individwali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma RACER, jiġifieri rilevanti (marbuta mal-objettivi tal-NAPCP u l-PuM), aċċettati (mill-partijiet interessati rilevanti), kredibbli (faċli biex jiġu interpretati), faċli (biex jiġu mmonitorjati) u robusti (kontra l-manipulazzjoni). L-indikaturi jistgħu jkunu kemm kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi. L-għażla eżatta ta' indikaturi tiddependi fuq il-kontenut u l-qafas amministrattiv li fih huma stabbiliti l-NAPCP u l-PuM individwali. Għal PuM maħsuba biex inaqqsu direttament l-emissjonijiet, il-bidla fl-emissjonijiet annwali u l-kontribuzzjoni għal konċentrazzjonijiet minn sorsi affettwati għandhom jiġu mmonitorjati bħala minimu. Xi eżempji ta' indikaturi possibbli huma ppreżentati fit-Tabella 2.

Tabella 2

Eżempji ta' indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-NAPCP u l-PuM addizzjonali

Stadju fiċ-ċiklu tal-politika

Monitoraġġ

NAPCP (il-PuM kollha)

PuM individwali

Implimentazzjoni (“outputs”)

L-indikaturi huma relatati mar-riżultati tal-implimentazzjoni ta' intervent

Aġġornament għal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti

In-numru ta' awtoritajiet lokali li aġġornaw il-pjanijiet tal-kwalità tal-arja lokali

Il-kilometri ta' vettura mnaqqsa;

Vetturi b'emissjonijiet baxxi użati;

Sehem ta' faċilitajiet li japplikaw sistema avvanzata għat-tnaqqis;

Numru ta' bojlers domestiċi mibdula;

Djar mgħammra bl-iżolazzjoni

Applikazzjoni (“riżultati u impatti”)

Indikaturi relatati mal-objettiv prinċipali tal-intervent

Tnaqqis fl-emissjonijiet annwali miksub kontra l-perkors ippjanat għat-tnaqqis fl-emissjonijiet

Tnaqqis f'konċentrazzjonijiet ta' inkwinanti fl-arja

Emissjonijiet annwali mis-sors

Kontribuzzjoni tas-sors għall-konċentrazzjonijiet ta' inkwinanti fl-arja

4.   IL-KONSULTAZZJONI TAL-AWTORITAJIET PUBBLIĊI U KOMPETENTI, U L-KONSULTAZZJONI TRANSKONFINALI

Ara l-Artikoli 6(5) u 6(6)

Skont id-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34) li tipprevedi l-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta' ċerti pjani u programmi li għandhom x'jaqsmu mal-ambjent, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-pubbliku u lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati dwar l-abbozz tal-NAPCP inizjali qabel ma jiġi ffinalizzat (l-Artikolu 6(5) NECD). Id-Direttiva 2003/35/KE ġiet emendata biex tinkludi l-NAPCPs tal-Istati Membri fost il-pjanijiet u l-programmi rilevanti msemmija fl-Anness I tagħha. Fejn ikun xieraq, għandhom isiru konsultazzjonijiet transkonfinali (l-Artikolu 6(6) NECD).

Il-proċess ta' konsultazzjoni għandu jkun imfassal biex jiżgura li l-pubbliku u l-awtoritajiet rilevanti jingħataw opportunitajiet, minn kmieni u effettivi, biex jipparteċipaw fl-aspetti kollha tal-elaborazzjoni tal-NAPCP u ta' aġġornamenti sinifikanti (l-Artikolu 6(5) NECD). Il-Premessa 26 tistabbilixxi li l-konsultazzjoni għandha ssir “…fi żmien meta l-għażliet kollha rigward il-PuM jibqgħu miftuħa”, u qabel il-finalizzazzjoni, fi kliem ieħor f'punt fil-proċess meta jkun għadu possibbli li l-kontenut tal-pjan jinbidel, abbażi tat-tweġibiet tal-konsultazzjoni mill-pubbliku u mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti. Il-pubbliku, kif imsemmi fid-Direttiva, jinkludi l-partijiet interessati kollha — minn membri tal-pubbliku ġenerali sa NGOs ambjentali u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ fl-industrija. L-awtoritajiet kompetenti rilevanti jinkludu dawk b'“…responsabbiltajiet ambjentali speċifiċi fil-qasam tat-tniġġis, il-kwalità u l-ġestjoni tal-arja fil-livelli kollha”, jiġifieri fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, li x'aktarx ikunu kkonċernati mill-implimentazzjoni tal-NAPCP.

Sa fejn huwa possibbli, il-konsultazzjonijiet kollha mwettqa matul l-iżvilupp tal-programm nazzjonali għandhom ikunu dokumentati b'mod ċar. L-Istati Membri huma mistennija li jsegwu l-linji gwida nazzjonali tagħhom dwar kif imexxu l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati (jekk ikun hemm minnhom).

Skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2003/35/KE, il-proċedura ta' parteċipazzjoni mill-pubbliku stabbilita fih ma għandhiex tapplika għall-pjani u l-programmi li għalihom titwettaq il-proċedura ta' parteċipazzjoni mill-pubbliku skont id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (35) (“id-Direttiva SEA”).

Id-Direttiva SEA tapplika fuq il-merti tagħha stess u l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-NAPCPs tagħhom kif xieraq. Il-valutazzjoni ambjentali strateġika (SEA) skont id-Direttiva SEA għandha titwettaq għal NAPCP jekk il-programm jissodisfa l-erba' kriterji kollha previsti fl-Artikolu 2(a) u 3(2) tad-Direttiva SEA, jiġifieri jekk il-pjan jew il-programm:

(i)

ikun soġġett għall-preparazzjoni u/jew l-adozzjoni minn xi awtorità f'livell nazzjonali, reġjonali jew lokali;

(ii)

ikun mitlub minn disposizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi;

(iii)

ikun ippreparat għal kwalunkwe wieħed mis-setturi elenkati fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva SEA; u

(iv)

jistabbilixxi l-qafas għall-kunsens ta' żvilupp futur ta' proġetti elenkati fl-Anness I u II tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (36) (“id-Direttiva EIA”).

Is-SEA għandha titwettaq matul il-preparazzjoni tal-NAPCPs u qabel l-adozzjoni tagħhom. Modifiki minuri għall-pjanijiet u l-programmi li kienu soġġetti għas-SEA jirrikjedu valutazzjoni ambjentali biss meta l-Istat Membru jiddetermina li x'aktarx ikollha impatt ambjentali sinifikanti.

Konsultazzjoni transkonfinali

Il-konsultazzjoni transkonfinali tista' tkun meħtieġa fil-ħin tat-tfassil ta' abbozz tal-NAPCP (l-Artikolu 6(6)). Dan ikun il-każ, pereżempju, fejn is-sorsi ta' tniġġis eżistenti jkunu ġew identifikati biċ-ċar li jikkawżaw problemi transkonfinali lokalizzati għal Stat Membru ieħor; pereżempju, konċentrazzjoni ta' ġenerazzjoni tal-enerġija jew industrija peżanti u/jew żoni urbani (u t-traffiku assoċjat) viċin fruntiera. Hawnhekk, hemm il-ħtieġa li jitqies l-impatt transkonfinali rilevanti meta jiġu kkunsidrati PuM addizzjonali skont l-NECD u jistgħu jkunu meħtieġa azzjonijiet konġunti ma' Stati Membri ġirien u pajjiżi terzi.

Fejn tapplika d-Direttiva SEA, l-Istati Membri għandhom jidħlu f'konsultazzjonijiet transkonfinali qabel l-adozzjoni fejn l-implimentazzjoni tal-NAPCPs tagħhom x'aktarx ikollha effett sinifikanti fuq l-ambjent fi Stat Membru ieħor, jew fejn Stat Membru li x'aktarx jiġi affettwat b'mod sinifikanti jitlob hekk (l-Artikolu 7 tad-Direttiva SEA).

L-għan huwa li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transkonfinali fl-immaniġġjar tal-kwalità tal-arja bħala riżors komuni billi jiġi pprovdut forum għall-komunikazzjoni (37).

L-AAQD tiġbed attenzjoni partikolari għan-natura transkonfinali tal-PM u l-O3. Skont l-AAQD l-Istati Membri huma meħtieġa jikkooperaw ma' xulxin fejn jiġu rrapportati l-iskorrimenti “minħabba trasport transkonfinali sinifikanti tat-tniġġis jew il-prekursuri tagħhom, u fejn ikun il-każ, ifasslu attivitajiet b'mod konġunt” (l-Artikolu 25 tal-AAQD).

Referenza għall-konsultazzjoni fl-NAPCP

L-informazzjoni dwar minn fejn jistgħu jiġu aċċessati r-riżultati sħaħ tal-konsultazzjonijiet (eż. web-link) għandha tkun ipprovduta fl-NAPCP.

Ir-rwol tal-partijiet interessati fl-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni ta' PuM addizzjonali

Matul l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri potenzjali, l-awtoritajiet responsabbli mill-preparazzjoni tal-NAPCP għandhom jikkonsultaw ma' dipartimenti u aġenziji governattivi rilevanti oħrajn (pereżempju dawk responsabbli biex jirregolaw sorsi ta' emissjonijiet speċifiċi), kif ukoll partijiet interessati oħrajn li jkollhom informazzjoni dwar iktar miżuri attwali u potenzjali li jistgħu jiġu stabbiliti. Eżempji tat-tipi ta' inputs li għandhom jintalbu huma mogħtija hawn taħt.

Il-grupp tal-partijiet interessati

L-identifikazzjoni tal-PuM

L-evalwazzjoni tal-PuM

Dipartimenti u aġenziji oħrajn tal-gvern

It-tipi ta’ strumenti ta’ politika li ħadmu tajjeb f’oqsma / setturi ta’ politika partikolari

Il-prijoritajiet f’oqsma oħrajn ta’ politika (biex tinforma l-koerenza mal-pjanijiet u l-programmi eżistenti)

L-informazzjoni dwar miżuri potenzjali futuri diġà ppjanati għall-adozzjoni

Il-fattibbiltà ġenerali tal-implimentazzjoni

Il-livell li fih setgħet tiġi implimentata l-miżura

Is-sorsi ta’ finanzjament

L-infurzar

L-awtoritajiet reġjonali u lokali

Esperjenza bl-implimentazzjoni tal-miżuri sal-lum

Miżuri attwalment fis-seħħ

 

Il-partijiet interessati affettwati mill-PuM / utenti finali (eż. l-industrija, l-NGOs, ir-residenti taż-żoni ċentrali tal-ibliet)

Esperjenza bl-implimentazzjoni tal-miżuri sal-lum

Miżuri attwalment fis-seħħ

Il-fattibbiltà tal-miżuri (jiġifieri kompatibbiltà mal-miżuri attwali, restrizzjonijiet tekniċi)

Il-kostijiet mistennija u l-effettività tal-miżura

L-użu tal-miżura (marbut mal-aċċettabbiltà)

Id-data meta t-tnaqqis fl-emissjonijiet x’aktarx li jintlaħaq

5.   TIXRID TAL-NAPCP

Ara l-Artikolu 14(1)

L-Istati Membri għandhom ixerrdu b'mod attiv u sistematiku l-NAPCP tagħhom lill-pubbliku billi jippubblikawh fuq sit tal-internet li jista' jiġi aċċessat mill-pubbliku (l-Artikolu 14(1)). F'konformità mar-rekwiżiti stipulati mill-Konvenzjoni tal-UNECE dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni mill-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-Konvenzjoni ta' Aarhus), l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali (id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38)).

Id-Direttiva tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jxerrdu settijiet ta' data u informazzjoni kif irrapportat skont l-Artikolu 10, fuq sit tal-internet aċċessibbli għall-pubbliku. Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tal-informazzjoni kollha rrapportata skont id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jinkludu fl-NAPCP il-links għas-settijiet tad-data u r-rapporti kollha flimkien mal-NAPCP tagħhom, inklużi links għal:

inventarji nazzjonali tal-emissjonijiet, inkluż l-inventarju aġġustat tal-emissjonijiet fejn rilevanti;

previżjonijiet nazzjonali tal-emissjonijiet;

rapport tal-inventarju informattiv; u

rapporti u informazzjoni addizzjonali kkomunikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10, inkluż il-post tas-siti ta' monitoraġġ u indikaturi assoċjati għall-monitoraġġ tal-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq l-ekosistemi, u d-data ta' monitoraġġ wara.

Suġġerimenti addizzjonali għall-aħjar prattika:

Għandu jiġi żviluppat pjan ta' komunikazzjoni biex jappoġġja t-tixrid tal-NAPCP. Pereżempju, dan jista' jistabbilixxi l-udjenza fil-mira għall-NAPCP (identifikazzjoni ta' awtoritajiet, aġenziji, bliet jew korpi ta' riċerka ewlenin) kif ukoll lista ta' kuntatti tal-midja u qafas ta' żmien għall-ħruġ ta' stqarrijiet għall-istampa dwar l-NAPCP. Jista' jinkludi wkoll indikaturi biex jiddeterminaw il-livell ta' impenn pubbliku mal-NAPCP (bħall-iffissar ta' mira għan-numru ta' hits tas-sit web).

Il-pubblikazzjoni ta' sommarji mhux tekniċi għall-pubbliku biex jispjegaw l-iskop tal-NAPCP u l-kontenut tiegħu.

6.   APPENDIĊI: SETT TA' GĦODOD BIEX JAPPOĠĠJA L-KUNSIDERAZZJONI U L-GĦAŻLA TA' PUM ADDIZZJONALI

Dan l-appendiċi jistipula eżempji ta' metodi analitiċi u riżultati tar-rapportar biex jiffaċilita l-kunsiderazzjoni u l-għażla ta' PuM addizzjonali. Isiru referenzi għat-taqsimiet rilevanti fil-parti prinċipali tal-gwida.

6.1.   Sommarju tal-valutazzjoni tal-impatti tal-miżuri tal-passat, dawk attwali u dawk ippjanati fuq il-kwalità tal-arja

Il-kopertura tal-elementi li ġejjin hija kkunsidrata bħala l-aħjar prattika meta jiġu ppreżentati l-impatti tal-NAPCP fuq il-kwalità tal-arja u fuq l-ambjent. Sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni fl-NAPCP inizjali huwa rrakkomandat li d-data storika tiġi ppreżentata flimkien mad-data prevista kull fejn ikun fattibbli. Eżempji ta' evidenza li għandha tiġi inkluża huma ppreżentati hawn taħt.

—    L-informazzjoni li ġejja għas-sena bażi (2005) u l-iktar sena ta' rapportar riċenti:

Mapep tal-konċentrazzjonijiet attwali fl-arja mill-inqas għall-inkwinanti li ġejjin: NO2, PM10, PM2.5 u O3, u għal inkwinanti AAQD oħrajn li għalihom Stat Membru jiffaċċja problemi sinifikanti. Hawn taħt qed jingħata eżempju għall-konċentrazzjonijiet medji annwali ta' PM2.5 fl-UE fl-2005 u fl-2015 (ara l-Figuri 3 u 4). L-eżempji pprovduti hawn taħt huma għall-UE kollha, iżda fl-NAPCP hija meħtieġa biss informazzjoni fil-livell tal-Istati Membri.

Figura 3

Konċentrazzjonijiet medji annwali ta' PM2.5 fl-2005

Image 3

Sors: Kumpilazzjoni proprja (data mir-Rapport #16 tat-TSAP).

Figura 4

Konċentrazzjonijiet medji annwali ta' PM2.5 fl-2015

Image 4

Sors: Kumpilazzjoni proprja (data mir-Rapport #16 tat-TSAP)

Istogramma li turi n-numru ta' żoni f'nuqqas ta' konformità u l-iskorrimenti massimi nazzjonali għal NO2, PM10, PM2.5 u O3, u għal inkwinanti oħrajn tal-AAQD li għalihom Stat Membru jiffaċċja problemi sinifikanti. Għal żoni f'nuqqas ta' konformità, in-numru totali ta' żoni għandu jiġi inkluż bħala referenza. Eżempju wieħed huwa ppreżentat hawn taħt:

Figura 5

Numru ta' żoni f'nuqqas ta' konformità u skorrimenti massimi

Image 5

Nota: Il-graff ta' hawn fuq tippreżenta l-iskorrimenti massimi tal-valuri ta' limitu annwali (bl-aħmar), u l-valuri ta' limitu ta' kuljum u ta' kull siegħa (bil-blu) fuq l-assi sekondarju. Sabiex il-figura tkun tista' tinqara, il-konċentrazzjonijiet massimi u n-numru ta' skorrimenti għandhom ikunu fl-istess ordni ta' kobor.

—    L-informazzjoni li ġejja għax-xenarju WM, għas-snin 2020, 2025 u 2030 u għal kull wieħed mill-inkwinanti msemmija iktar 'il fuq:

Mapep tal-konċentrazzjonijiet previsti skont ix-xenarju WM. Eżempju huwa ppreżentat hawn taħt għall-konċentrazzjonijiet medji annwali previstita' PM2.5 fil-livell tal-UE fl-2020, fl-2025 u fl-2030 (ara l-Figuri 6, 7 u 8). Fl-NAPCP, hija meħtieġa biss informazzjoni fuq il-livell tal-Istati Membri.

Figura 6

Konċentrazzjonijiet medji annwali previsti ta' PM2.5 fl-2020 skont ix-xenarju WM

Image 6

Sors: Kumpilazzjoni proprja (data mir-Rapport #16 tat-TSAP).

Figura 7

Konċentrazzjonijiet medji annwali previsti ta' PM2.5 fl-2025 skont ix-xenarju WM

Image 7

Sors: Kumpilazzjoni proprja (data mir-Rapport#16 tat-TSAP).

Figura 8

Konċentrazzjonijiet medji annwali previsti ta' PM 2.5 fl-2030 skont ix-xenarju WM

Image 8

Sors: Kumpilazzjoni proprja (data mir-Rapport #16 tat-TSAP).

Istogramma tal-evoluzzjoni prevista fin-numru ta' żoni f'nuqqas ta' konformità. Informazzjoni dwar l-iskorriment massimu nazzjonali u l-indikatur tal-esponiment medju skont ix-xenarju WM (ara l-figura 10 hawn taħt);

—    L-informazzjoni li ġejja għax-xenarju WAM, għas-snin 2020, 2025 u 2030 u għal kull wieħed mill-inkwinanti msemmija iktar 'il fuq:

Mapep li juru d-differenza prevista fil-konċentrazzjonijiet imqabbla ma' dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tax-xenarju WM. Eżempju huwa ppreżentat hawn taħt għall-konċentrazzjonijiet medji annwali previsti ta' PM2.5 fil-livell tal-UE fl-2030 (ara l-Figura 9). Fl-NAPCP, hija meħtieġa biss informazzjoni fuq il-livell tal-Istati Membri.

Figura 9

Konċentrazzjonijiet medji annwali pprojettati ta' PM2.5 fl-2030 skont ix-xenarju WAM

Image 9

Sors: Kumpilazzjoni proprja (data mir-Rapport #16 tat-TSAP)

Istogramma li turi d-differenza prevista fin-numru ta' żoni f'nuqqas ta' konformità, billi tqabbel dawk il-projezzjonijiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tax-xenarju WM max-xenarju WAM. Għal żoni f'nuqqas ta' konformità, in-numru totali ta' żoni għandu jiġi inkluż bħala referenza. Kampjun tal-istogramma huwa ppreżentat hawn taħt (Figura 10).

Tabella jew figura li tippreżenta l-iskorrimenti massimi (konċentrazzjonijiet massimi u/jew numru ta' skorrimenti) tal-valuri ta' limitu previstiskont ix-xenarju WAM.

Figura 10

Numru ta' żoni f'nuqqas ta' konformità fl-2020 u fl-2030 skont ix-xenarji WM u WAM

Image 10

Il-graff bħala kampjun hija ppreżentata hawn taħt biex turi l-previżjonijiet għall-Indikatur tal-Esponiment Medju (AEI) għall-PM2.5 u biex tqabbel l-AEI mistenni skont ix-xenarji WM u WAM (39).

Figura 11

Data storika u l-previżjoni tal-evoluzzjoni għall-Indikatur tal-Esponiment Medju tal-PM2.5

Image 11

6.2.   Eżempji (mhux eżawrjenti) ta' sorsi tal-emissjonijiet / PuM speċifiċi għas-settur

Settur

PuM Potenzjali

Produzzjoni tal-enerġija

Teknoloġiji għat-tnaqqis (aġġornament ta' dawk eżistenti u installazzjoni ta' dawk ġodda)

L-introduzzjoni ta' valuri ta' limitu tal-emissjonijiet iktar stretti minn dawk meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni eżistenti (eż. IED)

Bdil tal-karburant

Inċentivazzjoni tal-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli mhux kombustibbli

Miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija

Standards tal-kwalità tal-karburant

Proċessi industrijali

Teknoloġiji għat-tnaqqis (aġġornament ta' dawk eżistenti u installazzjoni ta' dawk ġodda)

L-introduzzjoni ta' valuri ta' limitu tal-emissjonijiet iktar stretti minn dawk meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni eżistenti (eż. IED)

Bdil tal-karburant

Miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija

Standards tal-kwalità tal-karburant

Użu ta' solventi u prodotti, emissjonijiet li jaħarbu

Kontroll tal-użu tas-solventi

Riformulazzjoni tal-prodotti

Sostituzzjoni tal-prodotti

Miżuri relatati mal-akkwist pubbliku (eż. immarkar tat-toroq ibbażat fuq l-ilma)

Miżuri li jtejbu l-kwalità tal-informazzjoni dwar l-użu tas-solventi u tal-prodotti u dwar l-emissjonijiet li jaħarbu minnhom, u li jtejbu wkoll l-aċċess li jkollu l-konsumatur għal informazzjoni bħal din.

Agrikoltura

Ara l-Anness III, il-Parti B tad-Direttiva għal-lista ta' miżuri obbligatorji u fakultattivi li għandhom jiġu inklużi fl-NAPCP

Miżuri b'kobenefiċċji għall-kwalità tal-arja u għat-tibdil fil-klima bħal: l-aħjar prattiki fil-biedja ta' preċiżjoni u fl-installazzjoni tal-bijogass, mergħat estensivi fuq bwar, biedja organika.

Skart

Ottimizzazzjoni tas-servizzi tal-ġbir tal-iskart, tagħmir għat-tnaqqis fil-faċilitajiet tat-trattament tal-iskart

Miżuri għat-tnaqqis tal-iskart, speċjalment għal skart bijodegradabbli, bħal skart tal-ikel

Trasport (bit-triq / mhux bit-triq)

Implimentazzjoni ta' pjanijiet komprensivi ta' mobilità urbana sostenibbli (SUMP) minn bliet u ta' oqfsa nazzjonali (finanzjarji, leġiżlattivi) rilevanti

Tagħmir għat-tnaqqis (modifika permezz ta' filtru)

Taxxi mmirati fuq it-trasport bit-triq u/jew it-tipi ta' karburant

Investiment f'infrastruttura tat-trasport pubbliku b'emissjonijiet baxxi, vetturi u kopertura

Promozzjoni tal-car-sharing u tas-sewqan ekoloġiku

Il-promozzjoni ta' vetturi b'emissjonijiet żero, b'emissjonijiet baxxi u ta' vetturi alternattivi b'karburanti nodfa u ta' investiment f'infrastruttura relatata (punti tal-iċċarġjar)

Iċċarġjar tal-konġestjoni / żoni b'emissjonijiet baxxi

Inkoraġġiment ta' mobilità attiva (ċikliżmu, mixi)

Issussidjar ta' skemi ta' skrappjar – promozzjoni ta' tiġdid tal-flotta

Infurzar aħjar tal-istandards eżistenti tal-emissjonijiet (eż. permezz ta' kontroll imtejjeb tal-konformità tal-vetturi bil-mutur)

L-introduzzjoni ta' miżuri għall-moderazzjoni tat-traffiku u ta' tnaqqis tal-veloċità (bħal żoni ta' 30 km/h)

Kombustjoni domestika

Miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija (eż. iżolazzjoni)

Rekwiżiti minimi tal-kwalità tal-karburant (għal żjut tat-tisħin u/jew injam u bijomassa oħra)

Il-promozzjoni tal-bdil tal-karburant, taxxi mmirati fuq il-biċċa l-kbira tat-tipi ta' karburant li jniġġsu

(Sussidjar) titjib ta' tagħmir, eż. programmi ta' sostituzzjoni ta' stufi/bojlers (li jaħdmu bil-faħam/bl-injam)

Infurzar aħjar tal-istandards tal-prestazzjoni eżistenti għall-bojlers domestiċi (eż. permezz ta' titjib fis-sorveljanza tas-suq tal-bojlers domestiċi)

Dispożizzjonijiet ta' informazzjoni u bini ta' kapaċità (eż. titqajjem kuxjenza dwar il-kwalità tal-arja, l-impatti ta' tisħin domestiku, it-tipi ta' tagħmir ta' tisħin domestiku u t-tħaddim effiċjenti)

Sors: Ibbażat fuq Multi-pollutant Measures Database, Diegmann et al. (2014), RAC Foundation (2014), Evalwazzjoni tal-Programmi Nazzjonali tal-2006 skont id-Direttiva NEC, il-Katalgu tal-KE tal-Miżuri tal-Kwalità tal-Arja.

6.3.   Eżempji ta' metodi analitiċi biex jiddeterminaw PuM addizzjonali meħtieġa biex jintlaħqu l-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet

Analiżi tal-Inqas Spejjeż (LCA) / Analiżi tal-Kosteffettività – dawn il-metodi jikkunsidraw l-ispejjeż tal-PuM sabiex jagħżlu bejn għażla/għażliet alternattiva/i biex jinkiseb l-objettiv li jinvolvi l-inqas spiża netta. Fil-kuntest tal-NECD, l-analiżi tal-inqas spejjeż u tal-kosteffettività hija xierqa peress li l-benefiċċji (espressi bħala tunnellati ta' inkwinanti mnaqqsa) huma ffissati fil-livell tal-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet għal kull inkwinant. Id-daqs tal-ispejjeż tal-PuM jista' jiġi ddeterminat kwalitattivament (għoli ħafna, għoli, medju, baxx, baxx ħafna meta mqabbla ma' xulxin) jew kwantitattivament (monetizzat). L-analiżi tal-inqas spejjeż tista' titwettaq bl-użu ta' kurvi kumulattivi tal-ispejjeż tat-tnaqqis kif muri fl-eżempju hawn taħt.

Eżempju: valutazzjoni ta' miżuri bl-użu tal-analiżi tal-kosteffettività għal kampjun ta' inkwinant. Fl-eżempju, l-emissjonijiet skont ix-xenarju WM fl-2030 huma previsti li huma 840t, u l-emissjonijiet assoċjati mal-impenn għat-tnaqqis fl-emissjonijiet fl-NECD 790t. Il-PuM addizzjonali huma għalhekk meħtieġa biex jinkiseb tnaqqis ta' mhux inqas minn 50t sabiex tiġi żgurata l-konformità.

Miżura

Tnaqqis fl-emissjonijiet

(tunnellati)

Spiża

(EUR)

Kosteffettività

(EUR għal kull tunnellata)

Miżura A

6

5 000

833

Miżura B

10

4 800

480

Miżura C

20

6 000

300

Miżura D

13

3 800

292

Miżura E

4

6 500

1 625

Miżura F

5

11 000

2 200

Miżura G

2

11 000

5 500

Image 12

Fl-eżempju ta' hawn fuq, il-Miżuri D, C, B, A u E jintgħażlu biex jinkiseb il-limitu massimu bl-ispiża totali ta' EUR 30 000, filwaqt li l-Miżura F ma tibqax titqies peress li għandha spiża ogħla għal kull tunnellata ta' emissjonijiet imnaqqsa. L-ispiża kumulattiva tista' titbaxxa, jekk il-miżura E tiġi introdotta biss parzjalment (biss sal-livell ta' tnaqqis fl-emissjonijiet meħtieġ mill-NECD, jekk possibbli).

Id-diffikultà fl-użu ta' dan l-approċċ hija li ma tippermettix il-kontabbiltà għall-impatti tal-PuM fuq inkwinanti multipli sakemm ma jitteħidx approċċ ta' ottimizzazzjoni (simili għal dak applikat fil-mudell GAINS) jew sakemm ma jintużax is-sekwenzar tal-inkwinanti. L-approċċ ta' ottimizzazzjoni jsib is-soluzzjoni l-inqas għolja biex jintlaħqu l-impenji ta' tnaqqis għall-inkwinanti kollha iżda jeħtieġ mudell speċifiku biex jiġi implimentat. Is-sekwenzar tal-inkwinanti huwa iktar sempliċi fejn il-PuM kollha li jnaqqsu l-emissjonijiet għal wieħed mill-inkwinanti jiġu vvalutati l-ewwel. It-tnaqqis fl-emissjonijiet għal inkwinanti oħrajn miksub minn dawn il-PuM imbagħad jiġi kkwantifikat u mnaqqas mill-previżjonijiet WM. Il-valutazzjoni tal-PuM imbagħad tipproċedi għat-tieni inkwinant u l-bqija. Jista' jkun li wara l-implimentazzjoni tal-PuM kollha għall-ewwel inkwinant, ma jkunx hemm bżonn li jiġu implimentati PuM addizzjonali għal wieħed jew iktar mill-inkwinanti li jifdal. Jeżistu modi differenti kif jintgħażel l-ewwel inkwinant għall-valutazzjoni, kif ġej:

Tingħata prijorità lill-inkwinant lbl-akbar distanza sal-punt fejn jiġi ssodisfat l-impenn tat-tnaqqis.

L-għażla tal-inkwinant li għalih il-PuM x'aktarx ikollhom kobenefiċċji fuq inkwinanti oħrajn. Pereżempju, il-PuM għat-tnaqqis tal-SO2 huma l-iktar probabbli li jkollhom l-ikbar impatt fuq l-emissjonijiet tal-PM.

Tibda bil-PuM għal dawk l-inkwinanti li wkoll mhumiex konformi mal-valuri ta' limitu tal-AAQD, bħal NOX jew PM.

Analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji (CBA) – dan il-metodu huwa rrakkomandat meta l-benefiċċji diretti ewlenin u l-ispejjeż diretti jkunu jistgħu jiġu monetizzati. Mod wieħed kif jiġu introdotti kunsiderazzjonijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji fl-evalwazzjoni tal-PuM huwa li għal kull PuM identifikata titqabbel l-ispiża għal kull tunnellata ta' inkwinant imnaqqas, bil-benefiċċju għal kull tunnellata ta' inkwinant imnaqqas, skontati kif xieraq fil-futur. Din tal-aħħar hija komunement monetizzata bl-użu ta' funzjonijiet tal-ispejjeż tal-ħsarat. Jekk il-funzjonijiet tal-ispejjeż tal-ħsara jintużaw biss biex jiġu monetizzati l-benefiċċji, is-CBA turi riżultati simili għall-metodi tal-Analiżi tal-Inqas Spejjeż (LCA) deskritti hawn fuq. Madankollu jekk jiġu monetizzati iktar benefiċċji wkoll, l-għażla tal-miżuri bl-użu tal-metodi CBA u LCA tkun differenti. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħżlu l-PuM bl-ogħla benefiċċju (jew l-inqas spiża netta) miksuba għal kull tunnellata ta' inkwinant imnaqqas sakemm jintlaħaq l-impenn għat-tnaqqis fl-emissjonijiet.

Eżempju: il-valutazzjoni tal-miżuri bl-użu ta' analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tista' tintwera wkoll bl-użu tal-kurva tal-ispiża tat-tnaqqis marġinali (jiġifieri hija iterazzjoni tal-analiżi tal-kosteffettività fejn il-benefiċċji miksuba mill-miżuri huma kkunsidrati wkoll). Fl-eżempju ta' hawn taħt, sabiex jinkiseb impenn għat-tnaqqis fl-emissjonijiet, Stat Membru għandu jnaqqas 50t ta' inkwinant bl-introduzzjoni ta' PuM addizzjonali. Sabiex jiġu evalwati l-miżuri, l-ispiża netta għal kull tunnellata ta' inkwinant imnaqqas hija kkalkulata billi jitnaqqsu l-benefiċċji tat-tnaqqis fl-emissjonijiet (ikkwantifikati bl-użu tal-funzjoni tal-ispiża tal-ħsara ta' EUR 2 500 għal kull tunnellata) mill-ispiża totali tal-miżura, u billi tinqasam bit-tnaqqis fl-emissjonijiet miksub mill-miżura. Il-kurva tal-ispiża turi li l-Miżuri A sa F għandhom spiża netta negattiva (jiġifieri li, għal dawn il-miżuri, il-benefiċċji jegħlbu l-ispejjeż) filwaqt li l-Miżura G għandha spiża netta pożittiva (l-ispejjeż ta' din il-miżura huma ogħla mill-benefiċċji).

Miżura

Tnaqqis fl-emissjonijiet

(tunnellati)

Spejjeż

(EUR)

Benefiċċju

(EUR)

Spiża netta għal kull tunnellata ta' inkwinant imnaqqas

(EUR)

Miżura A

6

5 000

15 000

– 1 667

Miżura B

10

4 800

25 000

– 2 020

Miżura C

20

6 000

50 000

– 2 200

Miżura D

13

3 800

32 500

– 2 208

Miżura E

4

6 500

10 000

– 875

Miżura F

5

11 000

12 500

– 300

Miżura G

2

11 000

5 000

3 000

Image 13

Il-benefiċċju ta' dan l-approċċ huwa li jagħżel il-miżuri bl-ogħla benefiċċji u jippermetti l-identifikazzjoni ta' miżuri addizzjonali li huma ta' benefiċċju meta mqabbel mal-ispiża anke jekk mhumiex meħtieġa biex jissodisfaw l-impenji ta' tnaqqis (jiġifieri Miżura F fl-eżempju ta' hawn fuq).

Il-limitazzjoni ta' dan l-approċċ hija li l-funzjonijiet tal-ispejjeż tal-ħsara jaqbdu biss parti mill-benefiċċji ġenerali li jistgħu jinkisbu minn PuM. Barra minn hekk, ħafna mill-funzjonijiet tal-ispejjeż tal-ħsara huma disponibbli fil-livell nazzjonali u mhumiex speċifiċi għas-sit jew għas-settur, għalhekk ma jikkunsidrawx il-post attwali tat-tnaqqis fl-emissjonijiet u l-esponiment assoċjat tal-popolazzjoni lokali. Approċċ iktar dettaljat biex jiġu kkwantifikati l-benefiċċji jinvolvi l-użu tal-approċċ tal-mogħdija tal-impatt iżda dan jeħtieġ immudellar dettaljat tal-Kwalità tal-Arja, analiżi u evalwazzjoni tal-impatt fuq is-saħħa li jistgħu jkunu pjuttost intensivi fir-riżorsi.

B'mod simili għal dak ta' hawn fuq, dan l-eżempju ma jkoprix l-impatti tal-miżuri fuq iktar minn inkwinant wieħed.

Immudellar ibbażat fuq l-ottimizzazzjoni – mudelli b'kapaċità ta' ottimizzazzjoni jippermettu l-identifikazzjoni ta' kombinamenti ta' PuM li jiksbu t-tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet bl-inqas spiża, filwaqt li jqisu l-impatt tal-miżuri fuq ħafna inkwinanti. Xi mudelli ta' ottimizzazzjoni jivvalutaw ukoll fl-istess ħin l-impatt tal-PuM magħżula fuq il-kwalità tal-arja, l-emissjonijiet tal-gass serra u l-ambjent. Eżempju ta' mudell bħal dan użat għall-valutazzjonijiet fuq skala Ewropea huwa l-mudell GAINS. Xi Stati Membri jużaw ukoll verżjonijiet reġjonali tal-GAINS biex iwettqu valutazzjonijiet fuq livell nazzjonali.

In-nuqqasijiet probabbli tal-biċċa l-kbira tal-mudelli ta' ottimizzazzjoni, kif ukoll il-metodi LCA u CBA, huma li huma mibnija biex jivvalutaw il-miżuri tekniċi u għalhekk għandhom tendenza li ma jkunux kapaċi jevalwaw l-impatti ta' miżuri mhux tekniċi bħal bidliet strutturali jew it-tip ta' mġiba tal-miżuri.

6.4.   Eżempji ta' metodi analitiċi li jappoġġjaw il-prijoritizzazzjoni tal-PuM

Analiżi ta' ħafna kriterji (MCA) – dan il-metodu jippermetti l-għażla tal-PuM billi jiġġudika fuq sett ta' objettivi u kriterji assoċjati. Fil-kuntest tal-NECD, l-MCA hija partikolarment utli peress li tippermetti analiżi ta' rikonċiljazzjoni tal-miżuri ma' objettivi speċifiċi tal-NECD u tiffaċilita l-valutazzjoni simultanja kontra l-kriterji tal-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza. Il-kriterji potenzjali tal-MCA jistgħu jinkludu:

Kriterji / Punteġġ

1 (Baxx)

2 (Medju)

3 (Għoli)

Jeżisti l-qafas legali għall-implimentazzjoni tal-miżura?

Le, il-leġiżlazzjoni eżistenti tkun teħtieġ li tiġi mmodifikata jew li tiġi implimentata leġiżlazzjoni ġdida.

Iva, iżda għandhom jiġu stabbiliti xi miżuri addizzjonali.

Iva, il-qafas legali huwa stabbilit bis-sħiħ biex jappoġġja l-implimentazzjoni tal-PuM.

Meta se jintlaħaq it-tnaqqis fl-emissjonijiet assoċjat mal-PuM?

Mhux qabel l-2030.

Bejn l-2025 u l-2030.

Bejn l-2020 u l-2025.

X'inhu l-impatt mistenni tal-PuM fuq il-kwalità tal-arja u l-kontribut tagħha għall-objettivi tal-AAQD?

Il-PuM taffettwa l-emissjonijiet minn sorsi li jinsabu barra mill-hotspots tal-kwalità tal-arja, mingħajr impatt jew b'impatt limitat ħafna fuq il-konċentrazzjonijiet.

Xi impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-arja, iżda ftit li xejn tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-AQ.

Il-PuM taffettwa l-emissjonijiet fiż-żoni urbani u fil-hotspots tal-AQ. Huwa mistenni li tikkontribwixxi b'mod pożittiv biex jintlaħqu l-objettivi tal-AQ.

X'inhu l-impatt tal-miżura fuq BC? [miżuri ta' PM biss]

Xejn

Limitat

Għoli

Il-miżura tinċentiva l-investiment f'teknoloġija nadifa u effiċjenti?

Le, il-PuM ma tinvolvi l-użu tal-ebda teknoloġija.

Sa ċertu punt iżda tiddependi prinċipalment fuq teknoloġija konvenzjonali u stabbilita sew.

Iva, tiffaċilita l-investiment f'teknoloġija avvanzata.

Il-miżura se tnaqqas l-esponiment għal gruppi sensittivi tal-popolazzjoni umana?

Le, se taffettwa l-iktar l-emissjonijiet fiż-żoni rurali.

Iva, se tkun implimentata f'żoni popolati (eż. il-bliet).

Iva, hija mmirata lejn postijiet bi gruppi sensittivi tal-popolazzjoni (eż. l-iskejjel).

Il-PuM se tirrettifika xi impatti negattivi fuq l-AQ u l-emissjonijiet minn PuM diġà adottati?

Le, hija indipendenti minn kull PuM eżistenti.

Iva, se tnaqqas l-impatt negattiv.

Iva, se telimina l-impatt negattiv.

Il-PuM qed tikkontribwixxi biex jinkisbu impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet għal iktar minn inkwinant wieħed?

Le, għandha impatt fuq inkwinant wieħed biss.

Iva, għandha impatt fuq żewġ inkwinanti.

Iva, għandha impatt fuq iktar minn żewġ inkwinanti / Le, iżda tippermetti l-adozzjoni ta' PuM oħrajn.

Analiżi SWOT – dan il-metodu jeħtieġ l-identifikazzjoni tal-Punti Pożittivi, id-Dgħufijiet, l-Opportunitajiet u t-Theddid fir-rigward tal-PuM. Billi t-tqabbil ta' bosta PuM bl-użu tal-analiżi SWOT jista' jkun kemm diffiċli kif ukoll intensiv fir-riżorsi, dan il-metodu jista' jkun iktar applikabbli biex iqabbel bejn numri iżgħar ta' gruppi magħżula ta' PuM. Pereżempju, abbażi ta' analiżi inizjali, jista' jkun hemm tliet gruppi ta' miżuri potenzjali li jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet bi spiża simili. L-applikazzjoni tal-analiżi SWOT tippermetti li jiġi ddeterminat liema grupp ta' PuM jista' jiżgura l-ikbar benefiċċji fuq il-kwalità tal-arja u objettivi oħrajn ta' politika, u jiżgura l-ikbar koerenza mal-PuM, il-pjanijiet u l-programmi adottati, inkluż f'oqsma oħrajn ta' politika.

Punti pożittivi

Dgħufijiet

Il-qafas legali huwa stabbilit bis-sħiħ biex jappoġġja l-implimentazzjoni tal-PuM.

It-tnaqqis fl-emissjonijiet se jikkontribwixxi b'mod pożittiv biex jintlaħaq il-limitu massimu tal-2030.

Hemm ftit benefiċċju għall-kwalità tal-arja minħabba li l-miżura se taffettwa prinċipalment l-emissjonijiet f'żoni rurali.

Ma hemm l-ebda impatt mistenni fuq il-karbonju iswed.

Il-miżura għandha impatt fuq inkwinant wieħed biss (ma tikkontribwix biex jiġu rispettati limiti massimi oħrajn).

Mhux probabbli li l-miżura tiffaċilita investiment ġdid f'teknoloġija avvanzata.

Opportunitajiet

Theddid

It-tnaqqis fl-emissjonijiet jista' jinkiseb fi żmien iqsar (bejn l-2025 u l-2030) jekk il-miżura tkun akkumpanjata minn attività promozzjonali suffiċjenti.

Il-miżura tista' tkun f'kunflitt mal-kisba ta' objettivi oħrajn ta' politika (ir-riskju ta' inkoerenza).

Il-miżura tista' ma tkunx aċċettata faċilment mill-partijiet interessati (jiġifieri nuqqas ta' aċċettabbiltà soċjali).


(1)  Immexxi mill-Istitut Internazzjonali għall-Analiżi Applikata tas-Sistemi (IIASA).

(2)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

(3)  ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13.

(4)  ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1.

(5)  Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.L_.2016.344.01.0001.01.MLT

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1522 tal-11 ta' Ottubru 2018 li tistabbilixxi format komuni għall-programmi nazzjonali għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja skont id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU L 256, 12.10.2018, p. 87). https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1542283677547&uri=CELEX:32018D1522

(7)  Ara wkoll id-definizzjoni ta' “objettivi tal-kwalità tal-arja” fl-Artikolu 3.4 tad-Direttiva.

(8)  http://www.iiasa.ac.at/web/home/research/researchPrograms/air/policy/TSAP_12_final_v1.pdf

(9)  F'konformità mad-definizzjoni stabbilita fl-AAQD, “żona” għandha tfisser parti mit-territorju ta' Stat Membru, kif delimitata minn dak l-Istat Membru għall-finijiet ta' valutazzjoni u ġestjoni tal-kwalità tal-arja.

(10)  Ara l-paragrafu 13 għal gwida dwar kif jiġi definit ix-xenarju WM: https://www.unece.org/fileadmin/DAM/env/documents/2015/AIR/EB/English.pdf

(11)  Għal ħarsa ġenerali sħiħa lejn il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kontroll tat-tniġġis tal-arja bbażat fuq is-sorsi: http://ec.europa.eu/environment/air/reduction/legislation.htm

(12)  https://ec.europa.eu/clima/policies/strategies/progress/monitoring_en

(13)  Id-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22).

(14)  http://ec.europa.eu/environment/air/clean_air/outlook.htm

(15)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11265-2016-INIT/en/pdf

(16)  http://www.iiasa.ac.at/web/home/research/researchPrograms/air/GAINS.html

(17)  https://ec.europa.eu/info/files/better-regulation-toolbox-57_en

(18)  L-aċċettabbiltà soċjali tista' tkun waħda mill-kriterji użati f'Analiżijiet b'Bosta Kriterji.

(19)  Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1) u d-Direttiva 2004/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali (ĠU L 23, 26.1.2005, p. 3).

(20)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.

(21)  https://ec.europa.eu/energy/en/topics/energy-strategy-and-energy-union

(22)  https://enrd.ec.europa.eu/home-page_en

(23)  http://ec.europa.eu/environment/circular-economy/index_en.htm

(24)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/?uri=CELEX%3A52016DC0501

(25)  https://ec.europa.eu/transport/themes/urban/cpt_en

(26)  https://ec.europa.eu/transport/themes/urban/urban_mobility/ump_en

(27)  http://ec.europa.eu/environment/nature/knowledge/rep_habitats/index_en.htm

(28)  http://ec.europa.eu/environment/water/participation/map_mc/map.htm

(29)  http://ec.europa.eu/environment/water/water-nitrates/index_en.html

(30)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32013R1301

(31)  http://www.unece.org/environmental-policy/conventions/envlrtapwelcome/guidance-documents-and-other-methodological-materials/gothenburg-protocol.html

(32)  https://www.rivm.nl/media/documenten/cce/manual/Manual_UBA_Texte.pdf

(33)  http://ec.europa.eu/smart-regulation/guidelines/tool_35_en.htm

(34)  ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32003L0035

(35)  ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1525338019455&uri=CELEX:32001L0042

(36)  ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1.

(37)  Ara pereżempju l-konsultazzjoni transkonfinali mwettqa mill-Kroazja mal-Italja dwar pjan ta' mmaniġġjar ta' baċin tax-xmara: http://www.va.minambiente.it/en-GB/Oggetti/Documentazione/1607/2691

(38)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A32003L0004

(39)  L-Indikatur tal-Esponiment Medju ma ġiex irrapportat għas-sena bażi 2005. Għalhekk għandha tkun ipprovduta biss għall-iktar sena ta' rapportar riċenti, sakemm l-Istat Membru ma jkunx jixtieq iwettaq kalkolu ex post ta' dak li l-indikatur tal-esponiment medju kien ikun fl-2005.