ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 47

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 62
6 ta' Frar 2019


Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2019/C 47/01

Rata tal-kambju tal-euro

1

2019/C 47/02

Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-prattiċi restrittivi u pożizzjonijiet dominanti mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2018 dwar abbozz ta’ deċiżjoni fil-Każ AT.40428 Guess — Relatur: L-Italja

2

2019/C 47/03

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — Il-każ AT.40428 — Guess

3

2019/C 47/04

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2018 li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Il-każ AT.40428 — Guess) (notifikat bid-dokument C(2018) 8455)

5

 

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

2019/C 47/05

Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Pakkett tal-Kummissjoni dwar elezzjonijiet Ewropej ħielsa u ġusti

8


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2019/C 47/06

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Il-Każ M.9219 — Blackstone/Sretaw/Beauparc) — Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

12


 

Rettifika

2019/C 47/07

Rettifika tas-Sommarju tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq għall-użu u/jew għall-użu tas-sustanzi elenkati fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) — Ippubblikat skont l-Artikolu 64(9) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006) ( ĠU C 30, 24.1.2019 )

14


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

6.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/1


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-5 ta’ Frar 2019

(2019/C 47/01)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1423

JPY

Yen Ġappuniż

125,59

DKK

Krona Daniża

7,4650

GBP

Lira Sterlina

0,87803

SEK

Krona Żvediża

10,3998

CHF

Frank Żvizzeru

1,1436

ISK

Krona Iżlandiża

137,00

NOK

Krona Norveġiża

9,6783

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,697

HUF

Forint Ungeriż

317,41

PLN

Zloty Pollakk

4,2872

RON

Leu Rumen

4,7455

TRY

Lira Turka

5,9444

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5771

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4996

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,9623

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6556

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5445

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 276,75

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

15,2773

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,6938

HRK

Kuna Kroata

7,4120

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 964,21

MYR

Ringgit Malażjan

4,6628

PHP

Peso Filippin

59,743

RUB

Rouble Russu

74,8209

THB

Baht Tajlandiż

35,725

BRL

Real Brażiljan

4,1942

MXN

Peso Messikan

21,7407

INR

Rupi Indjan

81,8395


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


6.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/2


Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-prattiċi restrittivi u pożizzjonijiet dominanti mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2018 dwar abbozz ta’ deċiżjoni fil-Każ AT.40428 Guess

Relatur: L-Italja

(2019/C 47/02)

1.   

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-aġir kopert mill-abbozz tad-deċiżjoni jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE.

2.   

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-ammont finali tal-multa, inkluż it-tnaqqis tagħha abbażi tal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida tal-2006 dwar il-metodu ta’ ffissar ta’ multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

3.   

Il-Kumitat Konsultattiv jirrakkomanda l-pubblikazzjoni tal-Opinjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


6.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/3


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Il-każ AT.40428 — Guess

(2019/C 47/03)

(1)   

Id-deċiżjoni indirizzata lil Guess?, Inc., Guess? Europe, BV. u Guess Europe Sagl (“Guess”) tikkonkludi li Guess kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE permezz ta’ prattiki bil-għan li tirrestrinġi lid-distributuri awtorizzati fis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva (i) milli jużaw il-marki kummerċjali u t-trademarks għall-finijiet ta’ reklamar ta’ tiftix online; (ii) milli jbigħu online mingħajr ma l-ewwel jiksbu awtorizzazzjoni speċifika mingħand Guess li għaliha Guess kellha diskrezzjoni sħiħa li tagħti jew li tirrifjuta u fejn ma kien ġie speċifikat l-ebda kriterju ta’ kwalità biex tittieħed deċiżjoni dwar jekk għandhiex tingħata awtorizzazzjoni jew le; (iii) milli jbigħu lil utenti finali lokalizzati barra mit-territorju allokat lid-distributuri awtorizzati; (iv) milli jbigħu trasversalment fost bejjiegħa bl-ingrossa u bejjiegħa bl-imnut awtorizzati; (v) milli jiddeterminaw il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom b’mod indipendenti.

(2)   

Permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni fetħet proċeduri fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 773/2004 (2) kontra Guess.

(3)   

Fid-data […], Guess offriet formalment biex tikkoopera (“Sottomissjoni ta’ Riżolviment”). Is-Sottomissjoni ta’ Riżolviment tinkludi:

konferma min-naħa ta’ Guess?, Inc.‘s, Guess? Europe B.V. u Guess Europe Sagl tal-obbligazzjoni in solidum għall-ksur deskritt fis-Sottomissjoni ta’ Riżolviment, rigward l-oġġett tagħha, il-fatti ewlenin, il-klassifikazzjoni legali tal-ksur u tal-fatti ewlenin, inkluż ir-rwol ta’ Guess u d-durata tal-parteċipazzjoni ta’ Guess fil-ksur;

dikjarazzjoni li s-Sottomissjoni ta’ Riżolviment hija kondizzjonali fuq l-impożizzjoni ta’ multa mill-Kummissjoni li ma taqbiżx l-ammont speċifikat fis-Sottomissjoni ta’ Riżolviment;

il-konferma li Guess?, Inc., Guess? Europe, B.V. u Guess Europe Sagl ġew infurmati biżżejjed dwar l-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni tipprevedi li se tqajjem kontrihom u li kienu ngħataw opportunità biżżejjed biex jesprimu l-fehmiet tagħhom mal-Kummissjoni;

il-konferma li Guess?, Inc., Guess? Europe B.V. u Guess Europe Sagl ma jipprevedux li jitolbu aċċess ulterjuri għall-fajl jew li jitolbu smigħ ieħor f’seduta verbali, sakemm il-Kummissjoni ma tirriflettix is-Sottomissjoni ta’ Riżolviment tagħha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (id-“DO”) u fid-deċiżjoni;

il-qbil li jirċievu d-DO u d-deċiżjoni finali bl-Ingliż.

(4)   

Fit-12 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat id-DO, li għaliha Guess?, Inc., Guess? Europe B.V.u Guess Europe Sagl flimkien wieġbu fil-21 ta’ Novembru 2018 billi kkonfermaw li d-DO kienet tirrifletti l-kontenut tas-Sottomissjoni ta’ Riżolviment, u tennew l-impenn tagħhom li jsegwu l-proċedura ta’ kooperazzjoni u ddikjaraw li ma kinux jixtiequ jerġgħu jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(5)   

Il-ksur ikkonstatat u l-multi imposti fid-deċiżjoni jikkorrispondu għal dawk rikonoxxuti u aċċettati fis-Sottomissjoni ta’ Riżolviment. L-ammont tal-multi huwa mnaqqas b’50 % minħabba li Guess ikkooperat mal-Kummissjoni lil hinn mill-obbligu legali tagħha li tagħmel dan billi: (i) żvelat restrizzjoni tal-kompetizzjoni li l-Kummissjoni ma kinitx taf biha sa dak iż-żmien; (ii) ipprovdiet evidenza addizzjonali li tirrappreżenta valur miżjud sinifikanti meta mqabbla mal-evidenza diġà fil-pussess tal-Kummissjoni, u b’riżultat ta’ dan saħħet il-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova l-ksur; (iii) ikkonfermat il-ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE li rriżulta minn din l-imġiba; u (iv) irrinunzjat għal ċerti drittijiet proċedurali, li jirriżultaw f’effiċjenzi amministrattivi.

(6)   

F’konformità mal-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, eżaminajt jekk id-deċiżjoni tittrattax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom Guess ingħatat l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha. Nikkonkludi li tagħmel dan.

(7)   

Kollox ma’ kollox, nikkonkludi li l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet proċedurali, f’dan il-każ, ġie rrispettat.

Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2018.

Wouter WILS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29 (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE, ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18.


6.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/5


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-17 ta’ Diċembru 2018

li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea

(Il-każ AT.40428 — Guess)

(notifikat bid-dokument C(2018) 8455)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2019/C 47/04)

Fis-17 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. B’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1), il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull penali imposti, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Guess?, Inc., Guess? Europe, B.V. u Guess Europe Sagl (kollettivament “Guess”). Guess? Inc. hija kumpanija bbażata fl-Istati Uniti tal-Amerka, inkorporata f’Delaware u kkwotata fil-Borża ta’ New York. Hija tiddisinja, tikkummerċjalizza, tiddistribwixxi u tilliċenzja lbies u aċċessorji kontemporanji. Guess? Inc. indirettament tippossjedi lil Guess? Europe B.V. (inkorporata fin-Netherlands fl-1996). Min-naħa tagħha, Guess? Europe, B.V. tikkontrolla lil Guess Europe Sagl inkorporata fl-Iżvizzera. Guess? Europe, B.V. hija 100 % l-kumpanija omm (direttament jew indirettament) tas-sussidjarji ta’ Guess fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”).

(2)

Id-Deċiżjoni tirrigwarda ksur uniku u kontinwu skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“Ftehim ŻEE”). Bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, Guess implimentat prattiki bil-għan li trażżan il-kompetizzjoni fi ħdan il-marka minn distributuri awtorizzati fin-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva tagħha.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Proċedura

(3)

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni bdiet bħala segwitu għall-inkjesta settorjali dwar il-kummerċ elettroniku (2).

(4)

Id-Deċiżjoni tikkonċerna sensiela ta’ restrizzjonijiet vertikali applikati minn Guess vis-à-vis il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut awtorizzati tagħha fis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tagħha fir-rigward ta’ parti kbira mill-ilbies u l-prodotti aċċessorji mibjugħa fiż-ŻEE.

(5)

Fis-6 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni fetħet proċeduri formali bil-għan li tittieħed deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003.

(6)

Ftit wara l-bidu tal-proċeduri, Guess indikat l-interess tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni u ssottomettiet aktar evidenza dwar l-imġiba rilevanti.

(7)

Sussegwentement, Guess offriet formalment biex tikkoopera fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003.

(8)

Fit-12 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet indirizzata lil Guess. Fil-21 ta’ Novembru 2018, Guess ippreżentat it-tweġiba tagħha għad-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet.

(9)

Il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fl-10 ta’ Diċembru 2018.

(10)

Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fis-17 ta’ Diċembru 2018.

2.2.   Destinatarji u durata

(11)

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw direttament, matul il-perjodi indikati hawn taħt, fi prattiki antikompetittivi:

Impriża

Durata

Guess?, Inc., Guess? Europe, B.V. u Guess Europe Sagl

Mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Ottubru 2017

2.3.   Sommarju tal-infrazzjonijiet

Id-dispożizzjonijiet u l-prattiki restrittivi implimentati minn Guess iffurmaw parti minn strateġija ġenerali ta’ kumpanija li kellha l-għan li tiddevja l-bejgħ online ta’ prodotti Guess lejn is-sit web ta’ Guess innifisha u tirrestrinġi l-kompetizzjoni fi ħdan il-marka fost distributuri awtorizzati. Guess irrestrinġiet lid-distributuri awtorizzati fis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tagħha milli jagħmlu dan li ġej:

(a)

jużaw il-marki kummerċjali u t-trademarks ta’ Guess għall-finijiet ta’ reklamar ta’ tiftix online;

(b)

ibigħu onlajn mingħajr ma l-ewwel jiksbu awtorizzazzjoni speċifika mingħand Guess li għaliha Guess kellha diskrezzjoni sħiħa li tagħti jew li tirrifjuta u fejn ma kien ġie speċifikat l-ebda kriterju ta’ kwalità biex tittieħed deċiżjoni dwar jekk għandhiex tingħata awtorizzazzjoni jew le;

(c)

ibigħu lil utenti finali lokalizzati barra mit-territorju allokat lid-distributuri awtorizzati;

(d)

ibigħu trasversalment fost bejjiegħa bl-ingrossa u bejjiegħa bl-imnut awtorizzati;

(e)

jiddeterminaw il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom b’mod indipendenti.

2.4.   Rimedji

(12)

Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida tal-2006 dwar il-Multi (3).

2.4.1.   Ammont bażiku tal-multa

(13)

Meta stabbilixxiet il-multi, il-Kummissjoni qieset il-valur tal-bejgħ fis-sena finanzjarja 2017 (mill-31 ta’ Jannar 2016 sat-28 ta’ Jannar 2017), li kienet l-aħħar sena kontabilistika kompleta tal-parteċipazzjoni ta’ Guess fil-ksur.

(14)

Il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li kull restrizzjoni differenti, min-natura tagħha stess, tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u li ftehimiet vertikali u prattiki miftiehma bħal dawk fil-kwistjoni, huma, min-natura tagħhom, ħafna drabi inqas ta’ ħsara għall-kompetizzjoni minn ftehimiet orizzontali. Meta jitqiesu dawn il-fatturi u fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, il-proporzjon tal-valuri tal-bejgħ ġie stabbilit għal 7 %.

(15)

Il-Kummissjoni kkunsidrat it-tul tal-ksur uniku u kontinwu, kif imsemmi hawn fuq.

2.4.2.   Aġġustamenti għall-ammont bażiku

(16)

Ma hemm l-ebda ċirkustanza aggravanti jew mitiganti f’dan il-każ.

2.4.3.   Applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat ta’ 10 %

(17)

Il-multa kkalkulata ma taqbiżx l-10 % tal-fatturat dinji ta’ Guess.

2.4.4.   Tnaqqis tal-multa fid-dawl ta’ kooperazzjoni

(18)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li, sabiex ikun rifless li Guess ikkooperat effettivament mal-Kummissjoni lil hinn mill-obbligu legali tagħha li tagħmel dan, il-multa li altrimenti kienet tkun imposta għandha, skont il-punt 37 tal-Linji Gwida dwar il-Multi, titnaqqas b’50 %.

3.   KONKLUŻJONI

(19)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-ammont finali tal-multa imposta fuq Guess skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għal ksur uniku u kontinwu hija ta’ EUR 39 821 000.

(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  http://ec.europa.eu/competition/antitrust/sector_inquiries_e_commerce.html

(3)  ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2.


Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

6.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/8


Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Pakkett tal-Kummissjoni dwar elezzjonijiet Ewropej ħielsa u ġusti

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-KEPD www.edps.europa.eu)

(2019/C 47/05)

Il-funzjonament tal-Unjoni huwa bbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva. Il-komunikazzjoni politika hija essenzjali għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, forzi u kandidati politiċi fil-ħajja demokratika u għad-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni. Dawn id-drittijiet u libertajiet huma interdipendenti mad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Aktar kmieni din is-sena, fl-Opinjoni 3/2018 tiegħu dwar il-manipulazzjoni online, il-KEPD enfasizza r-riskji għad-drittijiet fundamentali ta’ swieq ikkonċentrati.

Fil-kuntest tat-taħdita tal-Istat tal-Unjoni tal-2018, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ sigurtà li jiffoka fuq elezzjonijiet Ewropej ħielsa u ġusti. Dan il-pakkett huwa magħmul minn Komunikazzjoni, dokument ta’ Gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni fil-kuntest elettorali, Rakkomandazzjoni u proposta għal Regolament fir-rigward ta’ proċedura ta’ verifika marbuta ma’ ksur ta’ regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali fil-kuntest ta’ elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-KEPD jirrikonoxxi r-referenza magħmula għar-rwol ta’ pjattaformi tal-midja soċjali u dwar kif din l-inizjattiva għandha tkun koerenti mal-Kodiċi ta’ Prattika dwar diżinformazzjoni online. Fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin f’Mejju tas-sena d-dieħla, u l-għadd ta’ elezzjonijiet nazzjonali oħrajn skedati għall-2019, il-KEPD jirrikonoxxi wkoll ir-rakkomandazzjonijiet għall-istabbiliment ta’ netwerks ta’ elezzjoni nazzjonali u netwerk Ewropej ta’ koordinazzjoni. Hu jieħu din l-opportunità sabiex juri d-disponibbiltà tiegħu li jipparteċipa f’dan in-netwerk Ewropew. Dan jikkumplimenta azzjoni tal-KEPD f’dan il-qasam, b’mod partikolari l-workshop li jorganizza fi Frar tas-sena ta’ wara. Il-KEPD jirrikonoxxi wkoll ir-rakkomandazzjoni lill-Istati Membri sabiex iwettqu valutazzjoni komprensiva tar-riskji assoċjati mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bil-ħsieb li jkunu identifikati inċidenti ċibernetiċi potenzjali li jistgħu jaffettwaw l-integrità tal-proċess elettorali u jenfasizza l-urġenza ta’ din il-kwistjoni.

B’mod ġenerali, il-KEPD jikkunsidra li, għal aktar ċarezza, setgħet ġiet inkluża referenza għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Parlament Ewropew, l-Awtorità għall-partijiet politiċi Ewropej u fondazzjonijiet poliċi Ewropej u l-Kumitat ta’ persuni indipendenti, bħala li huwa fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, entitajiet, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1) (qabel, ir-Regolament 45/2001). Barra minn hekk u aktar speċifikament, il-KEPD jagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet b’rabta mar-Regolament propost, fosthom dawk li jiċċarraw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri u l-għanijiet kumplimentari ta’ tali sanzjonijiet, inkluż id-deċiżjonijiet tal-KEPD li jsibu ksur tar-Regolament (UE) 2018/1725 u referenza għall-qafas legali dwar il-protezzjoni tad-data attwali għal kooperazzjoni bejn awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data nazzjonali u l-KEPD kif ukoll sabiex tkun żgurata l-kunfidenzjalità tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data u l-Kumitat ta’ persuni indipendenti.

1.   Introduzzjoni u sfond

1.

Fil-kuntest tat-taħdita tal-Istat tal-Unjoni tal-2018, il-Kummissjoni fit-12 ta’ Settembru 2018 ippreżentat pakkett ta’ sigurtà li jiffoka fuq elezzjonijiet Ewropej ħielsa u ġusti. Dan huwa magħmul minn proposta leġiżlattiva flimkien ma’ 3 miżuri mhux leġiżlattivi:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 dwar proċedura ta’ verifika marbuta ma’ ksur ta’ regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali fil-kuntest ta’ elezzjonijet tal-Parlament Ewropew (COM (2018) 636 final/2) (minn hawn ’il quddiem “Regolament propost”);

Komunikazzjoni dwar l-Iżgurar ta’ elezzjonijiet Ewropej ħielsa u ġusti (COM (2018) 637 final) (minn hawn ’il quddiem “Komunikazzjoni”);

Rakkomandazzjoni dwar netwerks ta’ kooperazzjoni tal-elezzjoni, trasparenza online u protezzjoni kontra inċidenti ta’ ċibersigurtà u l-ġlieda kontra kampanji ta’ diżinformazzjoni fil-kuntest ta’ elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (C (2018) 5949 final) (minn hawn ’il quddiem “Rakkomandazzjoni”) u

Gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni fil-kuntest elettorali (COM (2018) 638 final) (minn hawn ’il quddiem “Gwida”).

2.

Dan il-pakkett ġie adottat bil-ħsieb li jiżgura elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ġusti u ħielsa li se jsiru f’Mejju 2019, bil-kunsiderazzjoni tal-isfidi ġodda ppreżentati minn komunikazzjoni online u revelazzjonijiet riċenti bħall-każ “Facebook/Cambridge Analytica” (2). Dan huwa ppreżentat flimkien ma’ proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (COM(2018) 630 final) (3).

3.

Huwa kumplimentari mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta’ April 2018“Nindirizza id-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew” (COM/2018/236 final), li tfittex li tippromwovi ambjent online aktar trasparenti, affidabbli u responsabbli. Wieħed mir-riżultati tanġibbli ewlenin tiegħu, il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni awtoregolatorju, kien ippubblikat fis-26 ta’ Settembru 2018. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll l-opinjoni tas-Sounding board tal-forum b’diversi partijiet ikkonċernati dwar il-Kodiċi ta’ Prattika (4). L-azzjonijiet previsti f’din il-Komunikazzjoni, inkluż dan il-Kodiċi ta’ Prattika, jikkumplimentaw ix-xogħol kurrenti tas-SEAE. Wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta’ Ġunju 2018 (5), il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà se jippreżentaw f’kooperazzjoni ma’ Stati Membri pjan ta’ azzjoni rivedut sabiex jiġġieldu d-diżinformazzjoni, sal-aħħar tas-sena (6).

4.

Ir-Regolament propost “jimmira li jippermetti sanzjonijiet finanzjarji fuq partiti jew fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jużaw ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad-data sabiex deliberament jinfluwenzaw jew jattentaw li jinfluwenzaw ir-riżultat ta’ elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew” (7). Flimkien ma’ penali finanzjarji li jistgħu jkunu imposti fuq partiti jew fondazzjonijiet politiċi Ewropej, ta’ 5 % tal-baġit annwali tagħhom (8), raġuni ġdida se “tiżdied mal-lista ta’ ksur li tipprevjeni partit jew fondazzjoni politika Ewropea milli tapplika għal finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fis-sena meta tkun ġiet imposta s-sanzjoni” (9). Fir-Rakkomandazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data nazzjonali stabbiliti skont ir-Regolament tal-Protezzjoni tad-Data Ġenerali (minn hawn ’il quddiem “GDPR”) sabiex jinformaw immedjatament u b’mod proattiv lill-Awtorità tal-partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej (minn hawn ’il quddiem l-“Awtorità”) (10) bid-deċiżjonijiet tagħha li jsibu ksur ta’ regoli tal-protezzjoni tad-data, fejn il-ksur huwa marbut ma’ attivitajiet politiċi minn partit jew fondazzjoni politika Ewropea “bil-ħsieb li jinfluwenzaw elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew” (11). Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll, għal każijiet li jinvolvu partiti jew fondazzjonijiet politiċi fil-livell nazzjonali u reġjonali, lill-Istati Membri sabiex “japplikaw sanzjonijiet xierqa” (12).

5.

Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ netwerk tal-elezzjoni nazzjonali f’kull Stat Membru kif ukoll netwerk ta’ koordinazzjoni Ewropew fuq l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (13). Dan tal-aħħar isegwi l-ewwel skambju organizzat mill-Kummissjoni bejn pajjiżi tal-UE dwar l-aqwa prattiki elettorali f’April 2018. Dan se jkun magħmul minn punti ta’ kuntatt nazzjonali u għandu jiltaqa’ f’Jannar u April 2019 (14). Huwa ppjanat bħala proċess ta’ twissija Ewropew f’ħin reali u bħala forum għall-iskambju ta’ informazzjoni. In-netwerks nazzjonali se jimmiraw, inter alia, li jiskambjaw informazzjoni dwar kwistjonijiet li kapaċi jaffettwaw l-elezzjonijiet Ewropej, bejn awtoritajiet nazzjonali b’kompetenza fi kwistjonijiet elettorali u ċ-ċibersigurtà kif ukoll awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data nazzjonali u awtoritajiet jew entitajiet regolatorji awdjoviżivi nazzjonali. Huwa rakkomandat li dawn in-netwerks nazzjonali jikkonsultaw u jikkooperaw mal-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi nazzjonali rilevanti skont il-liġi nazzjonali (15) u li fejn huwa xieraq, kooperazzjoni bejn awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi nazzjonali fil-livell Ewropew tista’ tkun iffaċilitata mill-Europol. Skont il-Kummissjoni, “b’hekk ikunu jistgħu jidentifikaw malajr theddid potenzjali għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u jeżegwixxu malajr ir-regoli eżistenti, inkluż sanzjonijiet finanzjarji disponibbli, bħar-rimborż tal-kontribuzzjoni pubblika” (16).

6.

Fl-aħħar il-Kummissjoni tippreżenta għadd ta’ rakkomandazzjonijiet (17) sabiex jiffaċilitaw it-trasparenza fir-reklamar politiku qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u jinkoraġġixxu lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri xierqa fil-qasam taċ-ċibersigurtà tal-proċess elettorali tal-Parlament Ewropew u sabiex ikunu involuti f’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni ma’ partijiet terzi, inklużi pjattaformi online u fornituri tat-teknoloġija tal-informatika, għal trasparenza u bini tal-fiduċja aħjar fil-proċess elettorali.

7.

Il-Gwida tenfasizza l-qafas ta’ protezzjoni tad-data tal-Unjoni eżistenti u l-applikazzjoni tiegħu fil-kuntest elettorali. Skont il-Kummissjoni, minħabba li hija l-ewwel darba li l-GDPR se jkun applikat fil-kuntest elettorali Ewropew, huwa importanti għall-atturi involuti kollha fil-proċessi tal-elezzjoni sabiex jifhmu b’mod ċar kif l-aħjar japplikaw dawn ir-regoli. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data nazzjonali “iridu jużaw is-setgħat imsaħħa kollha tagħhom biex jindirizzaw ksur possibbli” (18).

8.

Fit-18 ta’ Ottubru 2018, il-Kunsill Ewropew talab għal miżuri sabiex “jiġu protetti s-sistemi demokratiċi tal-Unjoni u tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni, anke fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej li jmiss, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali. F’dan ir-rigward, il-miżuri proposti mill-Kummissjoni dwar in-netwerks ta’ kooperazzjoni għall-elezzjonijiet, it-trasparenza online, il-protezzjoni kontra inċidenti relatati maċ-ċibersigurtà, il-manipulazzjoni illegali tad-data u l-ġlieda kontra kampanji ta’ diżinformazzjoni u l-issikkar tar-regoli dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej jistħoqqilhom li jiġu eżaminati malajr u li jingħataw segwitu operazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti (19)”.

9.

Fil-25 ta’ Ottubru 2018, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tfakkar “fil-miżuri proposti mill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura elezzjonijiet Ewropej ħielsa u ġusti, b’mod partikolari l-emenda leġiżlattiva maħsuba biex tissikka r-regoli dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej, bil-previżjoni tal-possibbilià li timponi sanzjonijiet finanzjarji għall-ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data bil-għan li dak li jkun intenzjonalment jinfluwenza l-eżitu tal-elezzjonijiet Ewropej” u li “l-ipproċessar ta’ data personali mill-partiti politiċi fl-UE huwa soġġett għall-GDPR, u li l-ksur tal-prinċipji, id-drittijiet u l-obbligi koperti minn din il-liġi jirriżultaw f’multi u sanzjonijiet addizzjonali ”. Ir-riżoluzzjoni tikkunsidra li “l-indħil elettorali huwa riskju enormi għad-demokrazija, li l-indirizzar tiegħu jirrikjedi sforz konġunt li jinvolvi lill-fornituri tas-servizzi, lir-regolaturi, kif ukoll lil atturi u partiti politiċi” u tilqa’ dan il-pakkett tal-Kummissjoni (20). Fit-3 ta’ Diċembru 2018, il-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu dwar ir-Regolament propost (21). Fis-6 ta’ Diċembru 2018, il-Kumitat dwar l-Affarijiet Kostituzzjonali adotta r-rapport tiegħu dwar ir-Regolament propost (22).

10.

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (minn hawn ’il quddiem “KEPD”) jilqa’ l-konsultazzjoni informali mill-Kummissjoni dwar ir-Regolament propost, ir-Rakkomandazzjoni u l-Gwida qabel l-adozzjoni tagħhom u l-fatt li parti mill-kummenti informali tiegħu ġew ikkunsidrati. Hu jenfasizza madankollu li minħabba ż-żmien qasir, dawn kienu kummenti preliminari. Għalhekk hu jagħmel il-kummenti formali li ġejjin. F’dan ir-rigward hu jixtieq ifakkar li, meta tkun adottata proposta leġiżlattiva relatata mal-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, bħalma huwa l-każ hawnhekk, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-KEPD.

3.   Konklużjoni

36.

Il-KEPD jirrikonoxxi l-komunikazzjoni politika bħala essenzjali għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, forzi politiċi u kandidati fil-ħajja demokratika u għad-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni, u li dawn id-drittijiet u libertajiet huma interdipendenti mad-dritt taħt l-Artikolu 7 tal-Karta għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet, u d-dritt taħt l-Artikolu 8 tal-Karta għall-protezzjoni tad-data personali.

37.

Hu jirrikonoxxi r-referenza magħmula, b’mod partikolari fil-Komunikazzjoni u l-Gwida, għar-rwol ta’ pjattaformi tal-midja soċjali u għal kif din l-inizjattiva se tkun koerenti mal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-diżinformazzjoni online.

38.

Fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin f’Mejju tas-sena d-dieħla, u l-għadd ta’ elezzjonijiet nazzjonali oħrajn skedati għall-2019, il-KEPD jirrikonoxxi wkoll ir-rakkomandazzjonijiet għall-istabbiliment ta’ netwerks ta’ elezzjoni nazzjonali u netwerk Ewropej ta’ koordinazzjoni. Hu jieħu din l-opportunità sabiex juri d-disponibbiltà tiegħu li jipparteċipa f’dan in-netwerk Ewropew. Dan jikkumplimenta azzjoni tal-KEPD f’dan il-qasam, b’mod partikolari l-workshop li jorganizza fi Frar tas-sena ta’ wara.

39.

Il-KEPD jirrikonoxxi wkoll ir-rakkomandazzjoni lill-Istati Membri sabiex iwettqu valutazzjoni komprensiva tar-riskji assoċjati mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bil-ħsieb li jkunu identifikati inċidenti ċibernetiċi potenzjali li jistgħu jaffettwaw l-integrità tal-proċess elettorali u jenfasizza l-urġenza ta’ din il-kwistjoni.

40.

B’mod ġenerali, il-KEPD jikkunsidra li, għal aktar ċarezza, setgħet ġiet inkluża referenza għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Parlament Ewropew, l-Awtorità u l-Kumitat, bħala li huwa fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, entitajiet, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (qabel, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).

41.

Barra minn hekk u aktar speċifikament, il-KEPD jagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet b’rabta mar-Regolament propost, fosthom:

jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri u l-għanijiet kumplimentari ta’ tali sanzjonijiet;

l-inklużjoni tad-deċiżjonijiet tal-KEPD li jsibu ksur tar-Regolament (UE) 2018/1725;

l-inklużjoni ta’ referenza għall-qafas legali tal-protezzjoni tad-data attwali għall-kooperazzjoni bejn awtoritajiet superviżorji tad-data nazzjonali u l-KEPD; u

l-iżgurar tal-kunfidenzjalità tal-iskambju tal-informazzjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data u l-Kumitat ta’ persuni indipendenti.

Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2018.

Giovanni BUTTARELLI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  Komunikazzjoni, p. 2.

(3)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-18-5681_mt.htm

(4)  Il-Kodiċi u l-Anness tiegħu kif ukoll l-opinjoni tas-Sounding board huma disponibbli minn: https://ec.europa.eu/digital-single-market/mt/news/code-practice-disinformation.

(5)  Disponibbli minn: https://www.consilium.europa.eu/media/35936/28-euco-final-conclusions-mt.pdf.

(6)  Komunikazzjoni, p. 10.

(7)  Memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Regolament, p. 2.

(8)  Ara l-Artikolu 27(4)(a) tar-Regolament Nru 1141/2014 u l-iskeda informattiva tal-Kummissjoni dwar elezzjonijiet Ewropej ħielsa u ġusti disponibbli minn: https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/soteu2018-factsheet-free-fair-elections_mt.pdf.

(9)  Memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Regolament, p. 6.

(10)  Din l-Awtorità ġiet stabbilita skont ir-Regolament Nru 1141/2014 (Artikolu 6).

(11)  Rakkomandazzjoni 6. Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha, p. 7, il-Kummissjoni “tistieden ukoll lill-Istati Membri sabiex jippromwovu, f’konformità mal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli, l-iskambju ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data nazzjonali għall-awtoritajiet inkarigati mill-monitoraġġ tal-elezzjonijiet u l-attivitajiet tal-partiti politiċi u l-finanzjament fejn dan isegwi mid-deċiżjonijiet tagħhom, jew fejn hemm raġunijiet raġonevoli għaliex wieħed jemmen li ksur huwa marbut ma’ attivitajiet politiċi minn partiti jew fondazzjonijiet politiċi nazzjonali fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ”. Enfasi miżjuda.

(12)  Rakkomandazzjoni 11.

(13)  Rakkomandazzjonijiet 1 sa 5 inklużi.

(14)  Komunikazzjoni, p. 7 u l-iskeda informattiva tal-Kummissjoni dwar elezzjonijiet Ewropej ħielsa u ġusti disponibbli minn: https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/soteu2018-factsheet-free-fair-elections_mt.pdf.

(15)  Komunikazzjoni, nota f’qiegħ il-paġna 20: “dan jikkonċerna b’mod partikolari każijiet fejn il-proċess elettorali jisfa fil-mira ta’ ħsieb malizzjuż, inkluż inċidenti bbażati fuq attakki kontra s-sistemi ta’ informazzjoni. Skont iċ-ċirkostanzi, jistgħu jkunu xierqa investigazzjonijiet kriminali li jistgħu jwasslu għal pieni kriminali. Kif innotat hawn fuq, id-definizzjonijiet ta’ reati u l-livelli massimi minimi tal-pieni għal attakki kontra sistema ta’ informazzjoni ġew armonizzati bid-Direttiva 2013/40/UE”.

(16)  Komunikazzjoni, p. 7.

(17)  Rakkomandazzjonijiet 7 sa 10 inklużi u 12 sa 19 inklużi.

(18)  Komunikazzjoni, p. 8, punt 3 “L-applikazzjoni tar-regoli tal-protezzjoni tad-data fil-proċess elettorali”.

(19)  Konklużjonijiet disponibbli fuq: https://www.consilium.europa.eu/media/36775/18-euco-final-conclusions-mt.pdf.

(20)  Ara punti 10 sa 12 tar-Riżoluzzjoni dwar l-użu tad-data tal-utenti ta’ Facebook minn Cambridge Analytica u l-impatt fuq il-protezzjoni tad-data P8_TA-PROV(2018)0433 (2018/2855(RSP)), disponibbli minn: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+TA+P8-TA-2018-0433+0+DOC+PDF+V0//MT, enfasi miżjuda.

(21)  Disponibbli minn: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=COMPARL&reference=PE-630.530&format=PDF&language=MT&secondRef=02

(22)  Disponibbli minn: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+REPORT+A8-2018-0435+0+DOC+PDF+V0//MT


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

6.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/12


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9219 — Blackstone/Sretaw/Beauparc)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 47/06)

1.   

Fil-25 ta' Jannar 2019, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

The Blackstone Group L.P. (“Blackstone”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

Sretaw 2 Limited (“Sretaw”, l-Irlanda),

Beauparc Utilities Holdings Limited (“Beauparc”, Irlanda).

Blackstone u Sretaw jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt ta’ Beauparc.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Blackstone tiġġestixxi l-assi alternattivi dinjija bil-kwartieri ġenerali fl-Istati Uniti tal-Amerika;

Sretaw bħalissa hija s-sid 100 % ta’ Beauparc;

Beauparc taħdem primarjament fis-setturi tar-riċiklaġġ tal-iskart, u tal-utilitajiet fl-Irlanda, fir-Renju Unit u fin-Netherlands.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista' jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.9219 — Blackstone/Sretaw/Beauparc

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz tal-posta:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


Rettifika

6.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/14


Rettifika tas-Sommarju tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq għall-użu u/jew għall-użu tas-sustanzi elenkati fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) — Ippubblikat skont l-Artikolu 64(9) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006)

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 30 tal-24 ta’ Jannar 2019 )

(2019/C 47/07)

F’paġna 4, fl-ewwel kolonna “Ir-referenza tad-Deċiżjoni”,

minflok:

“C(2019) 54”,

aqra:

“C(2019) 53”.