ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 42

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 62
1 ta' Frar 2019


Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

IL-QORTI TAL-AWDITURI

2019/C 42/01

Opinjoni Nru 8/2018 (skont l-Artikolu 325(4), TFUE) dwar il-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2018 biex jiġi emendat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 dwar l-OLAF fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF

1


MT

 


III Atti preparatorji

IL-QORTI TAL-AWDITURI

1.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 42/1


OPINJONI Nru 8/2018

(skont l-Artikolu 325(4), TFUE)

dwar il-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2018 biex jiġi emendat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 dwar l-OLAF fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF

(2019/C 42/01)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

SOMMARJU

I-VI

2

INTRODUZZJONI

1-6

3

Sfond

1-3

3

Il-proposta tal-Kummissjoni

4-6

4

KUMMENTI ĠENERALI

7-17

4

Kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

8-10

5

Effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF

11-13

5

Eżaminar estern tar-rispett tas-salvagwardji proċedurali

14-17

5

KUMMENTI SPEĊIFIĊI

18-38

6

Il-ħidma tal-OLAF tiġi adattata għall-istabbiliment tal-UPPE

19-27

6

Rappurtar lill-UPPE u evalwazzjonijiet preliminari tal-OLAF (l-Artikolu 12c(5))

20-21

6

L-appoġġ tal-OLAF lill-UPPE (l-Artikolu 12e)

22-24

6

Investigazzjonijiet kumplimentari (l-Artikolu 12f)

25-26

7

Skambju ta' informazzjoni (l-Artikolu 12g)

27

7

Tittejjeb l-effettività tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF

28-38

7

Kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post (l-Artikolu 3) u assistenza mill-awtoritajiet nazzjonali (l-Artikoli 3(7) u 7(3))

29-31

7

VAT (l-Artikoli 3(1) u 12(5))

32

8

Aċċess għal informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank (l-Artikolu 7(3))

33-34

8

Ammissibbiltà tal-evidenza li tinġabar mill-OLAF (l-Artikolu 11(2))

35-36

8

Servizzi ta' koordinazzjoni kontra l-frodi (l-Artikolu 12a)

37-38

8

KONKLUŻJONI U RAKKOMANDAZZJONIJIET

39-47

9

ANNESS I — OPINJONIJIET U RAPPORTI SPEĊJALI RILEVANTI TAL-QEA

 

11

ANNESS II — LEĠIŻLAZZJONI PRINĊIPALI DWAR L-ATTIVITAJIET TAL-OLAF

 

12

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 325(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-proposta tat-23 ta' Mejju 2018 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF (minn hawn 'il quddiem “il-proposta”),

Wara li kkunsidrat it-talba għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq, li ġiet ippreżentata mill-Kunsill fis-7 ta' Lulju 2018,

Wara li kkunsidrat it-talba għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq, li ġiet ippreżentata mill-Parlament Ewropew fl-10 ta' Lulju 2018,

Wara li kkunsidrat l-opinjonijiet u r-rapporti speċjali rilevanti li ġew ippubblikati preċedentement mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (ara l- Anness I ).

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

SOMMARJU

I.

Il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament dwar l-OLAF hija mistennija li tilħaq żewġ objettivi: li l-funzjonament tal-OLAF jiġi adattat għall-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) qabel ma dan il-korp il-ġdid tal-UE jibda jopera, u li tittejjeb l-effettività tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF.

II.

Peress li l-UPPE se jingħata s-setgħa li jinvestiga u jwettaq prosekuzzjonijiet ta' reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE (attwalment) fi 22 Stat Membru, l-istabbiliment tiegħu jbiddel b'mod sinifikanti l-kuntest legali u istituzzjonali. Għalkemm l-OLAF jibqa' l-korp tal-UE li huwa responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE permezz ta' investigazzjonijiet amministrattivi, u għall-appoġġ li jingħata lill-politika kontra l-frodi tal-Kummissjoni, ix-xogħol tiegħu se jinbidel u r-rwol tiegħu se jvarja peress li mhux l-Istati Membri kollha ssieħbu mal-UPPE.

III.

Peress li r-Regolament dwar l-UPPE diġà stipula l-qafas għar-relazzjonijiet tal-OLAF mal-UPPE, il-proposta għandha l-għan li tistipula regoli dettaljati. Il-proposta tirrifletti tajjeb il-prinċipji li jirregolaw il-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-UPPE: il-kooperazzjoni mill-qrib, l-skambju ta' informazzjoni, il-komplementarjetà u n-nuqqas ta' duplikazzjoni tax-xogħol. Madankollu, aħna sibna ċerti dgħufijiet f'dan ir-rigward.

IV.

Ix-xogħol tagħna u l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni nfisha wrew li jeħtieġ li l-OLAF iżid l-effettività tal-investigazzjonijiet tiegħu; il-puntwalità u l-irkupru tal-fondi huma sfidi ewlenin. Il-proposta tinkludi għadd limitat ta' miżuri mmirati li aħna nilqgħu b'mod favorevoli minħabba li dawn għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tal-effettività:

(a)

Jiġu kkjarifikati s-sitwazzjonijiet li fihom id-dritt nazzjonali u dak Ewropew ikunu japplikaw matul it-twettiq ta' kontrolli fuq il-post min-naħa tal-OLAF, kif ukoll id-dmir tal-awtoritajiet nazzjonali li jassistu lill-OLAF;

(b)

Jingħata aċċess lill-OLAF għall-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank, għalkemm fil-biċċa l-kbira dan ikun jiddependi fuq l-assistenza pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali;

(c)

Tiġi msaħħa l-ammissibbiltà tal-evidenza li tinġabar mill-OLAF, għalkemm din tkun tapplika biss għal każijiet mhux kriminali;

Barra minn hekk, il-proposta tikkjarifika li l-investigazzjoniiet fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) huma inklużi fil-mandat tal-OLAF.

V.

Il-bidliet ta' hawn fuq ma jirriżolvux il-problema kumplessiva relatata mal-effettività tal-investigazzjonijiet amministrattivi mwettqa mill-OLAF. Filwaqt li tirrikonoxxi dan, il-Kummissjoni biħsiebha timmodernizza l-qafas tal-OLAF b'mod aktar komprensiv. Madankollu, attwalment, la hemm pjan taż-żmien għal din ir-riforma ulterjuri tal-OLAF, u lanqas identifikazzjoni ċara ta' liema problemi se jiġu indirizzati.

VI.

Minħabba l-limitazzjonijiet tal-proposta fir-rigward tal-effettività kumplessiva tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF, aħna mhux biss nirrakkomandaw li jsiru emendi, iżda nenfasizzaw ukoll il-ħtieġa għal azzjoni ulterjuri:

(a)

fit-terminu qasir, jenħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza l-problema kumplessiva relatata mal-effettività tal-OLAF. Dan għandu jinvolvi l-kunsiderazzjoni mill-ġdid tar-rwol u tar-responsabbiltajiet tal-OLAF fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE. F'dan ir-rigward, l-OLAF jista' jingħata rwol strateġiku u ta' sorveljanza fl-azzjonijiet tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi;

(b)

fit-terminu medju, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-UPPE u, fejn ikun xieraq, tipproponi azzjonijiet leġiżlattivi ulterjuri.

INTRODUZZJONI

Sfond

1.

Fl-1999, il-Kummissjoni stabbiliet l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF - Office européen de lutte antifraude) bħala direttorat ġenerali tal-Kummissjoni. Il-missjoni tal-OLAF hija li jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE billi jwettaq żewġ kompiti prinċipali: iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi indipendenti fir-rigward ta' frodi, korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, u jikkontribwixxi għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika kontra l-frodi tal-Kummissjoni (1). Fil-mandat investigattiv tiegħu, l-OLAF huwa funzjonalment indipendenti mill-Kummissjoni. Huwa jwettaq investigazzjonijiet esterni (fl-oqsma kollha tal-infiq u d-dħul tal-UE) u investigazzjonijiet interni fir-rigward ta' suspetti ta' mġiba ħażina serja min-naħa tal-persunal tal-UE jew min-naħa ta' membri tal-istituzzjonijiet tal-UE.

2.

L-OLAF jopera taħt qafas legali li evolva matul iż-żmien, iżda l-karatteristiċi ewlenin tiegħu ilhom ma jiġu mmodifikati b'mod sinifikanti mill-1999. Fl-2017, żewġ bidliet regolatorji ewlenin affettwaw il-qafas legali u istituzzjonali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE:

Id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-“Direttiva PIF”) (2), li ġiet adottata fil-5 ta' Lulju 2017, tarmonizza d-definizzjoni ta' erba' reati kriminali (il-frodi, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-miżapproprijazzjoni), kif ukoll is-sanzjonijiet u l-perjodi ta' limitazzjoni. Hija tikkjarifika wkoll li reati serji kontra s-sistema komuni tal-VAT għandhom jitqiesu bħala reati serji li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE (3). L-Istati Membri għandhom sas-6 ta' Lulju 2019 biex jittrasponuha fid-dritt nazzjonali tagħhom;

F'Ottubru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1939 (4) li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), li se jkun responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq ta' reati kriminali quddiem il-ġustizzja, li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva PIF. L-UPPE ġie stabbilit taħt il-mudell ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri. Sa issa, hemm 22 Stat Membru li qed jipparteċipaw fih (5). L-UPPE huwa mistenni li jibda jopera fl-2020 (jew sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2021).

3.

L-istabbiliment tal-UPPE se jkollu impatt fuq l-OLAF. Il-Figura turi liema mill-attivitajiet tal-OLAF se jiġu affettwati.

Figura

Attivitajiet tal-OLAF li huma affettwati mill-istabbiliment tal-UPPE

Image

Investigazzjoni-jiet fir-rigward ta’ mġiba ħażina serja min-naħa tal-persunal tal-UE u min-naħa ta’ membri tal-istituzzjonijiet tal-UE (investigazzjonijiet interni)

Appoġġ għall-UPPE; investigaz-zjonijiet kumplimentari; investigazzjonijiet fir-rigward ta’ każijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UPPE, iżda fejn dan tal-aħħar jiddeċiedi li ma jinvestigax;

Investigazzjonijiet amministrattivi indipendenti fir-rigward ta’ frodi, korruzzjoni u irregolaritajiet (investigazzjonijiet esterni)

EU 22 (**) parti mill-UPPE

Pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali (*)

Attivitajiet tal-OLAF li huma affettwati mill-istabbiliment tal-UPPE

Infiq tal-UE

EU 6 (**) mhux parti mill-UPPE

Stati Membri

Istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-UE

Evalwaz-zjonijiet preliminari

Infiq u Dħul tal-UE

Attivitajiet tal-OLAF li ma nbidlux

(*) Ara l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar l-UPPE

(**) Id-Danimarka, l-Irlanda, l-Ungerija, il-Polonja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit

(***) L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja

Infiq u Dħul tal-UE

Investigazzjonijiet amministrattivi indipendenti fir-rigward ta’ frodi, korruzzjoni u irregolaritajiet (investigazzjonijiet esterni)

L-OLAF jiżviluppa l-politika tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi

Il-Kummissjoni

Il-proposta tal-Kummissjoni

4.

Il-proposta għandha tliet objettivi speċifiċi:

il-ħidma tal-OLAF tiġi adattata għall-istabbiliment tal-UPPE;

tittejjeb l-effettività tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF;

jiġu ċċarati u ssimplifikati dispożizzjonijiet partikolari tar-Regolament dwar l-OLAF.

5.

Il-proposta kienet ippreċeduta minn evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-OLAF (6). Din kienet akkumpanjata minn dokument ta' ħidma tal-persunal (7) appoġġat minn studju estern (8) u mill-opinjoni tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF (9). Il-Kummissjoni ma wettqitx valutazzjoni tal-impatt (10). Minflok, hija wettqet konsultazzjoni mmirata mal-partijiet ikkonċernati (11).

6.

Din l-opinjoni tieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti li saru fl-opinjonijiet u fir-rapporti speċjali preċedenti tal-QEA (ara l- Anness I ).

KUMMENTI ĠENERALI

7.

F'din it-taqsima, aħna nagħtu segwitu għall-implikazzjonijiet tal-opinjonijiet preċedenti tagħna, filwaqt li niġbdu l-attenzjoni għal kwistjonijiet li ma ġewx inklużi fil-proposta. Fit-taqsima “Kummenti speċifiċi”, aħna nanalizzaw id-dispożizzjonijiet individwali tal-proposta li juru bosta dgħufijiet.

Kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

8.

Objettiv ewlieni tal-proposta huwa li l-ħidma tal-OLAF tiġi adattata għall-istabbiliment tal-UPPE. L-istabbiliment tal-UPPE għandu jkun pass importanti fit-tisħiħ tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, dment li jkollu riżorsi adegwati (12).

9.

Ir-Regolament dwar l-UPPE jinkariga prinċipalment lill-awtoritajiet nazzjonali bil-kompitu li jipprovdu appoġġ lill-UPPE, minflok ma jagħmel lill-OLAF il-korp investigattiv prinċipali għax-xogħol tiegħu. L-OLAF jibqa' korp indipendenti tal-UE li huwa responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE permezz ta' investigazzjonijiet amministrattivi f'oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-UPPE, f'każijiet fejn dan tal-aħħar jiddeċiedi li ma jinvestigax u fl-Istati Membri li ma jipparteċipawx fih.

10.

Il-proposta tirrifletti tajjeb il-prinċipji li jirregolaw il-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-UPPE: il-kooperazzjoni mill-qrib, l-iskambju ta' informazzjoni, il-komplementarjetà u n-nuqqas ta' duplikazzjoni tax-xogħol. Minbarra d-dgħufijiet li identifikajna fil-proposta (ara l-paragrafi 19 sa 27), aħna nosservaw li l-Kummissjoni ma pproponiet l-ebda dispożizzjoni li tindirizza r-rwol tal-OLAF fl-investigazzjonijiet ta' reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE u li jkunu jirrigwardaw kemm l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-UPPE kif ukoll dawk li ma jipparteċipawx fih (każijiet transkonfinali). Kooperazzjoni effettiva tirrikjedi l-involviment kostanti u kostruttiv taż-żewġ partijiet.

Effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF

11.

It-tieni objettiv ewlieni tal-proposta huwa li tiżdied l-effettività tal-OLAF. F'rapporti speċjali u opinjonijiet preċedenti dwar l-OLAF, aħna għamilna bosta osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet li kienu marbuta mal-effiċjenza u mal-effettività tal-investigazzjonijiet tiegħu (ara l- Anness I ).

12.

Madankollu, il-proposta tippreżenta biss għadd limitat ta' bidliet immirati, li huma bbażati fuq dak li l-Kummissjoni nfisha tqis bħala “l-aktar sejbiet li ma jkunux ambigwi” tal-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-funzjonament effettiv tal-OLAF (13). Filwaqt li nilqgħu dan it-titjib immirat, aħna nqisu li dan mhux se jkun suffiċjenti biex iwassal għal żieda sinifikanti fl-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. Mhux is-sejbiet kollha tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, u lanqas l-awditi u l-opinjonijiet preċedenti tagħna, ma ġew indirizzati mill-proposta.

13.

Skont il-Kummissjoni, il-bidliet proposti se jiġu segwiti minn modernizzazzjoni aktar komprensiva tal-qafas tal-OLAF. Attwalment, la hemm pjan taż-żmien għal din ir-riforma ulterjuri tal-OLAF, u lanqas identifikazzjoni ċara ta' liema problemi se jiġu indirizzati. Il-Kummissjoni ma setgħetx tipprovdilna pjan ta' azzjoni li kien juri segwitu sistematiku għas-sejbiet kollha tal-evalwazzjoni b'dati ta' skadenza preċiżi. Fil-fehma tagħna, huwa importanti li l-Kummissjoni tindirizza mingħajr dewmien l-effettività kumplessiva tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, u b'mod partikolari l-puntwalità tax-xogħol tal-OLAF u l-irkupru tal-fondi.

Eżaminar estern tar-rispett tas-salvagwardji proċedurali

14.

Skont il-proposta, l-OLAF jibqa' korp amministrattiv mingħajr setgħat koerċittivi (bħas-setgħa li jissanzjona lix-xhieda f'każ ta' dikjarazzjonijiet foloz jew li jinterċetta l-komunikazzjonijiet), li jkun jiddependi fuq għodod amministrattivi, bħall-kontrolli fuq il-post biex iwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu. Il-garanziji proċedurali, li l-OLAF għandu jirrispetta fl-investigazzjonijiet kollha tiegħu, ġew introdotti fl-2013 (14).

15.

Dawn il-garanziji proċedurali ġeneralment jitqiesu li jirriflettu b'mod korrett il-prinċipji ġenerali applikabbli għall-investigazzjonijiet amministrattivi (15). Madankollu, l-eżaminar estern tal-implimentazzjoni ta' dawn il-garanziji proċedurali jibqa' insuffiċjenti. Dan huwa dovut għall-fatt li l-Qrati tal-UE qiesu b'mod konsistenti li l-ebda azzjoni għal annullament ma tista' tiġi introdotta kontra l-atti investigattivi tal-OLAF, inklużi r-rapporti finali tiegħu (16).

16.

L-introduzzjoni ta' stħarriġ ġudizzjarju tal-atti investigattivi tal-OLAF tiżgura li dawn tal-aħħar ikunu suġġetti għal kontroll effettiv u indipendenti. Fl-2014, il-Kummissjoni pproponiet li jiġi stabbilit Kontrollur ta' garanziji proċedurali (17). Madankollu, din il-proposta, li għadha pendenti, kienet tipprevedi biss it-twettiq ta' kontroll mhux vinkolanti tal-atti investigattivi tal-OLAF.

17.

Għalhekk, aħna nqisu li jeħtieġ li l-atti investigattivi prinċipali tal-OLAF jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) biex jiġi żgurat li s-salvagwardji proċedurali jkunu ġew applikati.

KUMMENTI SPEĊIFIĊI

18.

It-taqsima li ġejja tippreżenta l-kummenti tagħna dwar iż-żewġ objettivi ewlenin tal-proposta: il-ħidma tal-OLAF tiġi adattata għall-istabbiliment tal-UPPE, u tittejjeb l-effettività tal-funzjonijiet investigattivi tal-OLAF. Hija tkopri biss dawk l-artikoli tal-proposta li dwarhom nixtiequ nagħmlu kummenti speċifiċi.

Il-ħidma tal-OLAF tiġi adattata għall-istabbiliment tal-UPPE

19.

Il-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-UPPE hija rregolata minn erba' prinċipji: il-kooperazzjoni mill-qrib, l-iskambju ta' informazzjoni, il-komplementarjetà u n-nuqqas ta' duplikazzjoni tax-xogħol (18). Fl-opinjoni tagħna, aħna ħadna kont ta' dawn il-prinċipji meta konna qed neżaminaw il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-UPPE li huma ssuġġeriti fil-proposta.

Rappurtar lill-UPPE u evalwazzjonijiet preliminari tal-OLAF (l-Artikolu 12c(5))

20.

Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji (IBOAs) tal-UE, l-OLAF u l-Istati Membri jirrappurtaw lill-UPPE kwalunkwe informazzjoni relatata ma' każijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu (19). Biex jagħmlu dan b'mod effiċjenti, l-IBOAs jistgħu jitolbu lill-OLAF biex iwettaq evalwazzjoni f'isimhom sabiex jiżgura li din l-informazzjoni tkun issostanzjata biżżejjed u ta' kwalità tajba (20).

21.

Il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE ta' daqs iżgħar jistgħu jibbenefikaw minn evalwazzjoni tal-OLAF minħabba li huma ma għandhomx għarfien espert kumparabbli f'dan il-qasam. Madankollu, dan il-pass addizzjonali jżid iż-żmien meħtieġ biex l-informazzjoni tasal għand l-UPPE. Minħabba li ż-żmien huwa fattur kruċjali biex investigazzjoni kriminali tirnexxi, is-suċċess ta' kwalunkwe azzjoni sussegwenti jista' jiġi pperikolat jekk dawn il-korpi jitolbu wisq ta' spiss evalwazzjoni preliminari. Il-proposta timmitiga dan ir-riskju billi tistipula perjodu massimu ta' xahrejn li matulu l-OLAF għandu jwettaq l-evalwazzjonijiet preliminari.

L-appoġġ tal-OLAF lill-UPPE (l-Artikolu 12e)

22.

Il-proposta tistipula li, fuq talba tal-UPPE matul it-twettiq ta' nvestigazzjoni, l-OLAF għandu jipprovdilu informazzjoni, analiżijiet (inkluż analiżijiet forensiċi), għarfien espert u appoġġ operazzjonali, jiffaċilita l-koordinazzjoni ta' azzjoni li tittieħed mill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali u mill-korpi tal-UE, u jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi biex jappoġġa lill-UPPE (21).

23.

Il-valur miżjud tal-evidenza miġbura jew analizzata mill-OLAF biex jappoġġa investigazzjoni kriminali se jkun jiddependi fuq jekk l-UPPE jkunx jista' juża dik l-evidenza fi proċedimenti kriminali. Għalhekk, aħna nqisu li huwa kruċjali li fil-poposta jiġi ddikjarat b'mod espliċitu li l-istandards tal-garanziji proċedurali stipulati fir-Regolament dwar l-UPPE (22) japplikaw ukoll għall-evidenza li tinġabar mill-OLAF f'isem l-UPPE. Dan jiżgura li din l-evidenza tkun ammissibbli fil-qrati nazzjonali bl-istess mod bħall-evidenza li tinġabar mill-UPPE nnifsu. Barra dan, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta' atti investigattivi li jitwettqu mill-OLAF f'isem l-UPPE, il-proposta għandha tikkjarifika li l-QĠUE tibqa' kompetenti biex twettaq stħarriġ ġudizzjarju tal-atti proċedurali li jitwettqu mill-OLAF f'isem l-UPPE, jekk dawn l-atti jkunu intenzjonati li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta' partijiet terzi.

24.

Il-proposta ma tittrattax is-segwitu amministrattiv li jista' jingħata għall-investigazzjonijiet li jitwettqu mill-OLAF f'isem l-UPPE. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni li tirrikjedi lill-OLAF jgħaddi, mingħajr dewmien mhux dovut, evidenza li tagħti prova ta' irregolarità lill-IBOAs biex jiġi żgurat irkupru rapidu tal-fondi li jkunu ġew indebitament żborżati mill-baġit tal-UE, dment li l-UPPE ma jqisx li din l-informazzjoni tkun tinterferixxi mal-investigazzjoni tiegħu.

Investigazzjonijiet kumplimentari (l-Artikolu 12f)

25.

Biex jevita d-duplikazzjoni tax-xogħol bejnu u l-UPPE, l-OLAF ma għandux jiftaħ investigazzjoni parallela dwar ċirkustanzi li huma diġà s-suġġett ta' investigazzjoni mwettqa mill-UPPE (23). Madankollu, “f'każijiet iġġustifikati debitament”, l-OLAF jista' jiftaħ investigazzjoni kumplimentari bl-għan li jadotta miżuri ta' prekawzjoni jew azzjoni finanzjarja, dixxiplinarja jew amministrattiva. Peress li l-proċeduri amministrattivi għall-irkupru tal-fondi mħallsa indebitament mill-baġit tal-UE jistgħu jkunu aktar effiċjenti u orħos mill-proċedimenti kriminali, jista' jkun hemm għadd ta' każijiet fejn l-OLAF jaġixxi b'mod rapidu.

26.

L-effettività tal-investigazzjonijiet kumplimentari se tiddependi fuq il-puntwalità tagħhom u fuq id-disponibbiltà ta' informazzjoni li tkun suffiċjenti biex tingħata prova ta' irregolarità (24).

Skambju ta' informazzjoni (l-Artikolu 12g)

27.

Il-proposta u r-Regolament dwar l-UPPE jipprevedu żewġ sistemi separati ta' ġestjoni ta' każijiet b'rabta hit/no-hit bejniethom. Attwalment, il-proposta ma fihiex dettalji suffiċjenti dwar it-tip ta' informazzjoni li l-Kummissjoni u l-OLAF jirċievu mingħand l-UPPE fir-rigward ta' reati PIF suspettati rrappurtati, ta' każijiet miċħuda u ta' każijiet li jirriżultaw f'akkuża. Madankollu, din l-informazzjoni hija essenzjali għal strateġija effettiva kontra l-frodi u, għalhekk, għandha tiġi speċifikata fil-proposta (25).

Tittejjeb l-effettività tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF

28.

Il-proposta tippreżenta bidliet immirati biex iżidu l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF.

Kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post (l-Artikolu 3) u assistenza mill-awtoritajiet nazzjonali (l-Artikoli 3(7) u 7(3))

29.

F'konformità ma' bosta studji (26), l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni sabet li interpretazzjonijiet differenti tal-punt sa fejn japplika d-dritt nazzjonali, flimkien ma' differenzi bejn il-korpi tad-dritt nazzjonali, jirriżultaw fi frammentazzjoni tas-setgħat tal-OLAF (27).

30.

B'kont meħud ta' sentenza reċenti tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (28), il-proposta tikkjarifika li d-dritt nazzjonali japplika meta operatur ekonomiku joġġezzjona għall-kontrolli u għall-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-OLAF, filwaqt li d-dritt Ewropew japplika meta ma jkunx hemm din l-oppożizzjoni. Il-proposta tobbliga wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali biex jassistu lill-OLAF f'każijiet fejn operatur ekonomiku ma jikkooperax mal-OLAF (29).

31.

Il-proposta ma tiddikjarax b'mod ċar jekk l-OLAF għandux is-setgħa li jidħol mingħajr avviż minn qabel fl-uffiċċji tal-operatur ekonomiku kkonċernat, filwaqt li huwa tabilħaqq għandu d-dritt ta' aċċess għall-binjiet tal-IBOAs f'każ ta' investigazzjonijiet interni (30). Sabiex nevitaw li l-kwistjoni tad-drittijiet ta' aċċess tiġi interpretata b'mod differenti skont ir-regoli nazzjonali, aħna nissuġġerixxu li jiġi kkjarifikat li l-OLAF għandu din is-setgħa fir-rigward ta' kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post fil-binjiet tal-operatur ekonomiku fil-qafas tal-investigazzjonijiet interni u dawk esterni, dment li l-atti investigattivi tal-OLAF jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju suffiċjenti (31).

VAT (l-Artikoli 3(1) u 12(5))

32.

Aħna nilqgħu l-kjarifika li l-mandat tal-OLAF jinkludi wkoll il-VAT, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna (32) u mas-sentenza reċenti tal-QĠUE, li kkjarifikat li l-frodi tal-VAT taqa' fi ħdan l-ambitu tal-Artikolu 325 TFUE u, b'riżultat ta' dan, taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE (33). Il-proposta tipprovdi wkoll lill-OLAF il-possibbiltà li jiskambja informazzjoni man-netwerk tal-Eurofisc (34).

Aċċess għal informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank (l-Artikolu 7(3))

33.

Il-proposta tipprevedi d-dmir tal-awtoritajiet nazzjonali – b'mod partikolari l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) stabbiliti skont il-ħames Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (35) u awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra rilevanti – li jittrażmettu lill-OLAF informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank f'konformità mad-dritt nazzjonali. Dan jista' jinkludi informazzjoni dwar id-detenturi tal-kontijiet tal-bank li jkunu rreġistrati fir-reġistri nazzjonali ċentralizzati tal-kontijiet tal-bank jew fis-sistemi nazzjonali għall-irkupru tad-data jew, f'każijiet debitament iġġustifikati, fir-reġistru tat-tranżazzjonijiet.

34.

L-aċċess għad-data, u b'mod partikolari għall-informazzjoni dwar il-flussi tal-flus, huwa essenzjali għal kwalunkwe korp investigattiv li jiffoka fuq reati ekonomiċi bħall-frodi jew il-korruzzjoni (36). Madankollu, skont il-proposta attwali, l-aċċess mogħti lill-OLAF għall-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank fil-biċċa l-kbira se jkun jiddependi fuq l-assistenza pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali f'konformità mad-dritt nazzjonali, bħalma huwa attwalment il-każ. Dan ifisser li l-aċċess mogħti lill-OLAF għall-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank jista' jkun limitat f'dawk l-Istati Membri fejn id-dritt nazzjonali jirrestrinġi d-divulgazzjoni ta' din l-informazzjoni lill-korpi amministrattivi.

Ammissibbiltà tal-evidenza li tinġabar mill-OLAF (l-Artikolu 11(2))

35.

Skont ir-Regolament dwar l-OLAF, il-prinċipju bażiku għall-ammissibbiltà tar-rapporti finali tal-OLAF fil-proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali kien ir-regola ta' assimilazzjoni. Il-proposta għandha l-għan li żżid il-valur tar-rapporti finali tal-OLAF billi tintroduċi l-prinċipju ta' ammissibbiltà: ir-rapporti finali tal-OLAF għandhom ikunu biss suġġetti għal verifikazzjoni tal-awtentiċità. Fi proċedimenti ġudizzjarji ta' natura mhux kriminali, dan l-approċċ jissostitwixxi r-regola ta' assimilazzjoni, li tipprovdi li r-rapporti tal-OLAF jikkostitwixxu evidenza bl-istess mod u taħt l-istess kundizzjonijiet bħal rapporti amministrattivi mfassla mill-ispetturi amministrattivi nazzjonali. Ir-raġuni ewlenija għal din il-proposta hija li jissaħħaħ is-segwitu li jingħata għar-rakkomandazjonijiet inklużi f'dawn ir-rapporti billi jiġi evitat li l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali jirrepetu x-xogħol investigattiv li jkun diġà sar mill-OLAF.

36.

Filwaqt li aħna nilqgħu l-għan tal-proposta li tikkjarifika l-istatus tar-rapporti finali tal-OLAF fi proċedimenti ġudizzjarji mhux kriminali, aħna nosservaw li l-proposta tonqos milli tispeċifika b'mod espliċitu l-istatus tal-evidenza li tinġabar mill-OLAF. Għalhekk, aħna nirrakkomandaw li jiġi kkjarifikat li l-evidenza kollha li ssostni rapport tal-OLAF u li tiġi annessa miegħu trid titqies li hija ammissibbli fi proċedimenti tal-qorti, kemm nazzjonali kif ukoll tal-UE.

Servizzi ta' koordinazzjoni kontra l-frodi (l-Artikolu 12a)

37.

Is-servizzi nazzjonali ta' koordinazzjoni kontra l-frodi (AFCOS) ġew stabbiliti skont ir-Regolament dwar l-OLAF (37) biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni mal-OLAF b'mod effettiv. L-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa biex jiddeċiedu dwar l-organizzazzjoni, ir-rwol u r-responsabbiltajiet ta' dawn is-servizzi (38).

38.

Il-proposta hija insuffiċjenti billi hija tindirizza biss il-kooperazzjoni tas-servizzi mal-OLAF. Filwaqt li l-proposta ma tistax timponi lill-Istati Membri rekwiżiti f'termini ta' organizzazzjoni, hija tista' tipprovdi ċarezza dwar il-funzjonijiet minimi li għandhom jiġu ssodisfati minn dawn is-servizzi. Dan ikun jikkontribwixxi għal implimentazzjoni aktar armonizzata u aktar effettiva tas-servizzi ta' koordinazzjoni kontra l-frodi fl-Istati Membri kollha.

KONKLUŻJONI U RAKKOMANDAZZJONIJIET

39.

L-istabbiliment tal-UPPE jbiddel b'mod sinifikanti kemm il-kuntest legali u stituzzjonali u, filwaqt li l-OLAF jibqa' korp indipendenti u awtonomu li huwa responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE permezz ta' investigazzjonijiet amministrattivi, ix-xogħol tiegħu f'dan il-qasam se jinbidel. Objettiv prinċipali tal-proposta, li huwa s-suġġett ta' din l-opinjoni, huwa li jiġu stipulati regoli dettaljati għall-funzjonament tar-relazzjoni bejn l-OLAF u l-UPPE. Aħna sibna bosta dgħufijiet f'dan ir-rigward.

40.

L-ewwel nett, il-proposta tistipula li meta jkun qed jappoġġa lill-UPPE, l-OLAF għandu japplika s-salvagwardji proċedurali proprji tiegħu fil-konfront ta' persuni li jkunu qed jiġu investigati, u mhux dawk stabbiliti fir-Regolament dwar l-UPPE. L-OLAF huwa korp amministrattiv, filwaqt li l-UPPE juża proċeduri kriminali li għalihom japplikaw standards ogħla ta' salvagwardji proċedurali. B'riżultat ta' dan, hemm ir-riskju li l-evidenza li tinġabar mill-OLAF fuq talba tal-UPPE (għall-kuntrarju ta' dik li tinġabar mill-UPPE nnifsu) ma tkunx ammissibbli fil-qrati nazzjonali.

41.

It-tieni, il-proposta ma tindirizzax ir-rwol tal-OLAF fl-investigazzjonijiet ta' reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE meta jkunu involuti kemm l-Istati Membri li jipparteċipaw kif ukoll dawk li ma jipparteċipawx fl-UPPE (każijiet transkonfinali). Ir-Regolament dwar l-UPPE ħalla xi inċertezzi fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-UPPE u tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri mhux parteċipanti, li jistgħu jaffettwaw il-kooperazzjoni bejn l-UPPE u l-OLAF.

42.

Fl-aħħar nett, il-proposta tipprevedi li, f'każijiet debitament iġġustifikati, l-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet kumplimentari bil-ħsieb li jadotta miżuri ta' prekawzjoni jew azzjoni finanzjarja, dixxiplinarja jew amministrattiva. L-effettività ta' dawn il-miżuri tkun hija stess tiddependi fuq azzjonijiet maħsubin biex iżidu l-effettività kumplessiva tal-OLAF.

43.

Ix-xogħol tagħna u l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni nfisha wrew li jeħtieġ li l-OLAF iżid l-effettività tal-investigazzjonijiet tiegħu - il-puntwalità u l-irkupru tal-fondi huma sfidi ewlenin. Il-proposta tinkludi għadd limitat ta' miżuri mmirati, li aħna nilqgħu b'mod favorevoli, iżda huma ma jsolvux il-problema kumplessiva relatata mal-effettività tal-investigazzjonijiet amministrattivi mwettqa mill-OLAF. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi dan ukoll, u biħsiebha timmodernizza l-qafas tal-OLAF b'mod aktar komprensiv. Madankollu, ma hemm l-ebda pjan taż-żmien għal din ir-riforma, u lanqas identifikazzjoni ċara ta' liema problemi se jiġu indirizzati.

44.

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar il-proposta u dwar l-azzjonijiet fuq terminu qasir u dawk fuq terminu medju.

45.

Aħna nirrakkomandaw li l-korpi leġiżlattivi jemendaw il-proposta biex:

Jikkjarifikaw li, f'każijiet meta l-OLAF iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi f'isem l-UPPE, ikunu japplikaw l-istandards tal-garanziji proċedurali previsti fir-Regolament dwar l-UPPE, u li l-QĠUE tibqa' kompetenti biex twettaq stħarriġ ġudizzjarju tal-atti proċedurali li jitwettqu mill-OLAF f'dan il-kuntest (39);

Jispeċifikaw it-tip ta' informazzjoni li l-Kummissjoni u l-OLAF jeħtieġ li jirċievu mingħand l-UPPE sabiex ikunu jistgħu jwettqu b'mod xieraq il-kompitu tagħhom li jiżviluppaw il-politiki tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi (40);

Jiżguraw li l-OLAF, meta jaħdem f'isem l-UPPE u jiġbor evidenza suffiċjenti biex jagħti prova ta' irregolarità, jgħaddi l-informazzjoni miġbura, mingħajr dewmien mhux dovut, lill-IBOAs biex jiżgura l-irkupru rapidu tal-fondi, dment li l-UPPE ma jqisx li l-informazzjoni tkun tinterferixxi mal-investigazzjoni tiegħu (41);

Jispeċifikaw b'mod espliċitu l-istatus tal-evidenza li tinġabar mill-OLAF quddiem il-qrati nazzjonali u tal-UE, u jinkludu l-obbligu biex l-OLAF jgħaddi l-evidenza kollha li ssostni r-rapporti finali u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-korpi responsabbli għas-segwitu (42);

Jipprovdu aktar ċarezza dwar il-funzjonijiet minimi li għandhom jitwettqu mill-AFCOS, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda r-rwol tagħhom fil-koordinazzjoni tal-azzjoni għall-ġlieda kontra l-frodi li tittieħed mill-Istati Membri biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE (43);

Jipprevedu li r-rapporti tal-OLAF jikkostitwixxu atti li jistgħu “jaffettwaw b'mod negattiv il-persuni kkonċernati”, u għalhekk, jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju min-naħa tal-QĠUE;

Jikkjarifkaw ir-rwol tal-OLAF f'każijiet li jkunu jinvolvu kemm l-Istati Membri li jipparteċipaw kif ukoll dawk li ma jipparteċipawx fl-UPPE, filwaqt li jieħdu kont tal-ħolqien ta' kwalunkwe strument legali li jkopri s-suġġett tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri li jipparteċipaw u dawk li ma jipparteċipawx fl-UPPE.

46.

Fit-terminu qasir, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproċedi bit-tieni fażi prevista tagħha għall-modernizzazjoni tal-OLAF u tindirizza l-problema kumplessiva relatata mal-effettività tiegħu. Dan jinvolvi l-kunsiderazzjoni mill-ġdid tar-rwol u tar-responsabbiltajiet tal-OLAF fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE. F'dan ir-rigward, l-OLAF jista' jingħata rwol strateġiku u ta' sorveljanza fl-azzjonijiet tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi (44).

47.

Fl-aħħar nett, fit-terminu medju, jenħtieġ li l-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-UPPE tiġi evalwata u, fejn ikun xieraq, tiġi segwita minn azzjoni leġiżlattiva. Din l-evalwazzjoni għandha mill-inqas tkopri:

Analiżi ta' jekk il-ġlieda tal-UE kontra r-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE tistax tissaħħaħ billi jiġu ristrutturati l-korpi tal-UE inkarigati mill-investigazzjonijiet amministrattivi u kriminali;

Il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati u kkonsolidati l-istrumenti legali kollha għall-ġlieda kontra l-frodi f'qafas regolatorju uniku.

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tal-15 ta' Novembru 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (“ir-Regolament dwar l-OLAF”) (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(3)  L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva PIF.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“ir-Regolament dwar l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(5)  L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja. L-Istati Membri li għażlu li ma jipparteċipawx fl-UPPE jistgħu jissieħbu fi kwalunkwe żmien fil-futur.

(6)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

(7)  SWD(2017) 332, 2.10.2017.

(8)  Evaluation of the application of Regulation (EU, Euratom) No 883/2013 concerning investigations conducted by the European Anti-Fraud Office (OLAF) (Evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)), Rapport Finali, ICF Consulting Services Limited, Settembru 2017. Ara https://ec.europa.eu/anti-fraud/sites/antifraud/files/evaluation_of_the_application_regulation_883_en.pdf.

(9)  L-Opinjoni Nru 2/2017 tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF li takkumpanja r-Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (l-Artikolu 19); http://europa.eu/supervisory-committee-olaf/sites/default/files/opinion_2_2017.pdf.

(10)  Skont il-Better Regulation Guidelines (Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar) (SWD(2017) 350 final tas-7 ta' Lulju 2017), tinħtieġ valutazzjoni tal-impatt meta l-impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali mistennija tal-azzjoni tal-UE x'aktarx ikunu sinifikanti (p. 15).

(11)  Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati twettqet permezz ta' stħarriġ tal-awtoritajiet tal-Istati Membri rilevanti, stħarriġ tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji (IBOAs) tal-UE u laqgħa tal-esperti. Ir-riżultati ġew inklużi fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal (SWD(2018)251).

(12)  Aħna ma ntlabniex nipprovdu opinjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment tal-UPPE. Fir-rapport speċjali li jmiss tagħna “Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni”, aħna niġbdu l-attenzjoni għal ċerti riskji relatati mal-allokazzjoni ta' riżorsi u mal-ħidma interna tal-UPPE, li jekk ma jiġux indirizzati b'mod xieraq, jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv il-funzjonament effettiv tal-UPPE.

(13)  Dawn il-bidliet immirati jirrigwardaw il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post, kif ukoll l-assistenza li tingħata mill-awtoritajiet nazzjonali, l-aċċess mogħti lill-OLAF għall-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank, il-mandat tal-OLAF fir-rigward tal-frodi tal-VAT, l-ammissibbiltà tal-evidenza li tinġabar mill-OLAF, u s-servizzi u l-attivitajiet ta' koordinazzjoni kontra l-frodi.

(14)  L-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-OLAF.

(15)  Madankollu, ġiet identifikata l-ħtieġa li ssir kjarifika, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta' aċċess għall-fajl ta' investigazzjoni. Ara l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), Rapport Finali, ICF Consulting Services Limited, Settembru 2017, pp. 168-172; ara wkoll K. Ligeti, “The protection of the procedural rights of persons concerned by OLAF administrative investigations and the admissibility of OLAF final reports as criminal evidence” (Il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjonijiet amministrattivi tal-OLAF u l-ammissibbiltà tar-rapporti finali tal-OLAF bħala evidenza kriminali), IF/D/CONT/IC/2017-066, Lulju 2017, p. 20.

(16)  Ir-raġunament tal-Qrati tal-UE għar-rifjut ta' teħid ta' azzjonijiet għal annullament huwa l-fatt li l-awtoritajiet kompetenti jibqgħu kompletament liberi li jiddeċiedu dwar jekk għandhomx jaġixxu jew le fuq il-bażi ta' rapport tal-OLAF. Ara K. Ligeti, “The protection of the procedural rights of persons concerned by OLAF administrative investigations and the admissibility of OLAF final reports as criminal evidence” (Il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjonijiet amministrattivi tal-OLAF u l-ammissibbiltà tar-rapporti finali tal-OLAF bħala evidenza kriminali), IF/D/CONT/IC/2017-066, Lulju 2017, p. 22.

(17)  Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-istabbiliment ta' Kontrollur ta' garanziji proċedurali, COM(2014) 340 final.

(18)  L-Artikolu 101 tar-Regolament dwar l-UPPE.

(19)  L-Artikolu 24(1) tar-Regolament dwar l-UPPE.

(20)  Ara l-Premessa 51 tar-Regolament dwar l-UPPE u l-Artikolu 12c(5) tal-proposta.

(21)  L-Artikolu 12e, li jirrifletti l-Artikolu 101(3) tar-Regolament dwar l-UPPE, jipprovdi l-bażi għall-appoġġ tal-OLAF lill-UPPE.

(22)  Pereżempju, l-Artikolu 41 tar-Regolament dwar l-UPPE jipprovdi d-dritt għall-informazzjoni u d-dritt għall-aċċess għall-materjali tal-każ, kif previst fid-Direttiva 2012/13/UE.

(23)  L-Artikolu 12d tal-proposta, li jirrifletti l-Artikolu 101(2) tar-Regolament dwar l-UPPE.

(24)  Ir-rapport speċjali li jmiss “Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni”. Għalhekk, premessa speċifika tista' tiżdied fir-Regolament dwar l-OLAF.

(25)  Aktar dettalji jistgħu mbagħad jiġu speċifikati fl-arranġamenti ta' ħidma kif previst fil-proposta (l-Artikolu 12 g (1)).

(26)  M. Luchtman and J. Vervaele (eds.), “Investigatory powers and procedural safeguards; Improving OLAF's legislative framework through a comparison with other EU law enforcement authorities” (Setgħat investigattivi u salvagwardji proċedurali; Titjib tal-qafas leġiżlattiv tal-OLAF permezz ta' tqabbil ma' awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi tal-UE) (ECN/ESMA/ECB), 2017; K. Ligeti, “The protection of the procedural rights of persons concerned by OLAF administrative investigations and the admissibility of OLAF final reports as criminal evidence” (Il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjonijiet amministrattivi tal-OLAF u l-ammissibbiltà tar-rapporti finali tal-OLAF bħala evidenza kriminali), IF/D/CONT/IC/2017-066, Lulju 2017.

(27)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

(28)  Il-Kawża T-48/16, Sigma Orionis vs Il-Kummissjoni.

(29)  L-Artikoli 3(7) u 7(3).

(30)  L-Artikolu 4(3).

(31)  Ara l-paragrafi 14 sa 17 hawn fuq.

(32)  Ir-Rapport Speċjali Nru 24/2015 – “L-indirizzar tal-frodi intra-Komunitarja tal-VAT: Tinħtieġ aktar azzjoni”. Aħna rrakkomandajna li jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeliminaw ostakli legali li jipprevienu l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi, ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi; li l-OLAF u l-Europol ikollhom aċċess għad-data tas-sistema ta' skambju ta' informazzjoni dwar il-VAT (VIES) u tal-Eurofisc; u li l-OLAF ikollu kompetenzi ċari u għodod biex jinvestiga l-frodi intra-Komunitarja tal-VAT.

(33)  Ara C-105/14 Tarrico (kif ukoll C-617/10 Åkerberg Fransson).

(34)  Il-Eurofisc huwa netwerk deċentralizzat ta' uffiċjali mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa u doganali tal-Istati Membri, li jużawh biex jiskambjaw rapidament informazzjoni dwar kumpaniji u tranżazzjonijiet frodulenti suspettati. Dan ġie stabbilit taħt ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1), u ġie emendat ukoll bl-Artikolu 1(12) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1541 tat-2 ta' Ottubru 2018 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 904/2010 u (UE) 2017/2454 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 259, 16.10.2018, p. 1).

(35)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(36)  Ara r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

(37)  L-Artikolu 3(4).

(38)  Evaluation of the application of Regulation (EU, Euratom) No 883/2013 concerning investigations conducted by the European Anti-Fraud Office (OLAF) (Evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)), rapport finali, ICF Consulting Services Limited, Settembru 2017, il-paġna 102.

(39)  L-Artikolu 12e.

(40)  L-Artikolu 12 g.

(41)  L-Artikolu 12e.

(42)  L-Artikolu 11(2).

(43)  L-Artikolu 12a.

(44)  Ara wkoll ir-rapport speċjali li jmiss “Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni”.


ANNESS I

Opinjonijiet u rapporti speċjali rilevanti tal-QEA

Opinjonijiet

Opinjoni Nru 8/2005 dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar assistenza amministrattiva reċiproka għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra (skont l-Artikolu 280(4), KE) (1)

Opinjoni Nru 7/2006 dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 rigward investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (skont l-Artikolu 280(4), KE) (2)

Opinjoni Nru 6/2011 (skont l-Artikolu 325, TFUE) dwar il-proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet li saru mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) li jħassar ir-Regolament (Euratom) Nru 1074/1999 (3)

Opinjoni Nru 8/2012 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (skont l-Artikolu 325, TFUE) (4)

Opinjoni Nru 6/2014 (skont l-Artikolu 325, TFUE) dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-istabbiliment ta' Kontrollur ta' garanziji proċedurali (5)

Opinjoni Nru 1/2016 (skont l-Artikolu 325, TFUE) dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, fir-rigward tas-segretarjat tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi OLAF) (6)

Rapporti speċjali

Rapport Speċjali Nru 1/2005 dwar il-ġestjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni (skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 248(4) tat-Trattat KE) (7)

Rapport Speċjali Nru 2/2011 “Segwitu tar-Rapport Speċjali Nru 1/2005 dwar il-ġestjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi”

Rapport Speċjali Nru 24/2015 — “L-indirizzar tal-frodi intra-Komunitarja tal-VAT: Tinħtieġ aktar azzjoni”(skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE)

Rapport Speċjali li jmiss “Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni”(skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE)


(1)  ĠU C 313, 9.12.2005, p. 1.

(2)  ĠU C 8, 12.1.2007, p. 1.

(3)  ĠU C 254, 30.8.2011, p. 1.

(4)  ĠU C 383, 12.12.2012, p. 1.

(5)  ĠU C 419, 21.11.2014, p. 1.

(6)  ĠU C 150, 27.4.2016, p. 1.

(7)  ĠU C 202, 18.8.2005, p. 1.


ANNESS II

Leġiżlazzjoni prinċipali dwar l-attivitajiet tal-OLAF

Deċiżjoni li tistabbilixxi l-OLAF

Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE

Artikolu 325 TFUE

Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva PIF)

Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (1)

Kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post

Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (2)

Regoli dwar il-protezzjoni tad-data

Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (3)

Kooperazzjoni mal-UPPE

Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”)

Investigazzjonijiet interni fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE

Regulation No 31 (EEC), 11 (EAEC), laying down the Staff Regulations of Officials and the Conditions of Employment of Other Servants of the European Economic Community and the European Atomic Energy Community (Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika) (4)

Aktar informazzjoni tista' tinstab fuq is-sit web tal-Qorti: https://ec.europa.eu/anti-fraud/about-us/legal-framework_mt.


(1)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(2)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)  ĠU 45, 14.6.1962, p. 1385/62.