ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 452

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
14 ta' Diċembru 2018


Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Qorti tal-Awdituri

2018/C 452/01

Sommarju tar-riżultati mill-awditu annwali tal-QEA għall-2017 li jirrigwarda l-Impriżi Konġunti Ewropej għar-riċerka

1

2018/C 452/02

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

10

2018/C 452/03

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

18

2018/C 452/04

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

27

2018/C 452/05

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

36

2018/C 452/06

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

48

2018/C 452/07

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għall-Inizjattiva dwar il-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

57

2018/C 452/08

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

66

2018/C 452/09

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Shif-2-Rail għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

76


MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Qorti tal-Awdituri

14.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 452/1


Sommarju tar-riżultati mill-awditu annwali tal-QEA għall-2017 li jirrigwarda l-Impriżi Konġunti Ewropej għar-riċerka

(2018/C 452/01)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI

1-10

2

Informazzjoni ġenerali

1-2

2

Impriżi Konġunti għar-Riċerka — sħubiji pubbliċi-privati tal-UE mal-industrija, mal-gruppi ta’ riċerka u mal-Istati Membri

3-5

2

Baġit għall-Impriżi Konġunti

6-7

2

Approċċ tal-awditjar

8-10

3

RIŻULTATI TAL-AWDITJAR

11-44

3

Opinjonijiet favorevoli dwar l-affidabbiltà għall-JUs kollha

11

3

Opinjonijiet favorevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi tal-kontijiet għal sebgħa minn tmien JUs

12-13

3

Osservazzjonijiet relatati mal-kontribuzzjoni mill-UE għall-ispejjeż tal-proġett ITER

14-19

3

Kummenti oħra

20-43

4

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

44

7

ANNESS I —

ATTIVITAJIET, BAĠIT U PERSUNAL TAL-IMPRIŻI KONĠUNTI

8

ANNESS II —

KOEFFIĊJENTI TA’ MOBILIZZAZZJONI TAL-IMPRIŻI KONĠUNTI (ORIZZONT 2020)

9

INTRODUZZJONI

Informazzjoni ġenerali

1.

Aħna awditjajna u ħriġna opinjonijiet dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017, għal tmien Impriżi Konġunti Ewropej għar-riċerka (JUs):

F4E — Żvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni;

BBI — Industriji b’bażi Bijoloġika;

CS — “Clean Sky” — Teknoloġiji Nodfa għat-Trasport bl-Ajru;

IMI — Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi;

FCH — Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu;

SESAR — Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew;

ECSEL — Komponenti u Sistemi elettroniċi;

S2R — Shift2Rail Soluzzjonijiet Innovattivi għal Prodotti Ferrovjarji.

2.

Dan id-dokument jagħti sommarju tar-riżultati tal-awditjar li ġew ippubblikati fir-rapporti annwali speċifiċi tagħna għall-2017 dwar il-JUs u mhuwiex opinjoni jew rapport tal-awditjar separat(a).

Impriżi Konġunti għar-Riċerka — sħubiji pubbliċi-privati tal-UE mal-industrija, mal-gruppi ta’ riċerka u mal-Istati Membri

3.

L-Impriżi Konġunti (JUs) huma sħubiji pubbliċi-privati, li għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni ta’ aspetti speċifiċi tal-politika tar-riċerka tal-Unjoni Ewropea (UE). Il-membru pubbliku tal-JUs huwa l-Kummissjoni li tirrappreżenta l-UE, filwaqt li l-membri privati tal-JUs jinkludu diversi sħab pubbliċi u privati mir-raggruppamenti għall-industrija u għar-riċerka. Il-JUs kollha, ħlief l-ECSEL, isegwu mudell bipartitiku bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u tas-sħab privati fl-industrija jew fir-riċerka. L-ECSEL issegwi mudell tripartitiku li jinkludi wkoll il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri.

4.

Il-membri jagħmlu kontribuzzjonijiet għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-Impriżi Konġunti. Min-naħa waħda, il-Kummissjoni qed tipprovdi fondi mis-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7) u mill-Programm Orizzont 2020. Żewġ JUs (SESAR u S2R) irċevew ukoll finanzjament mill-programm tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T). Min-naħa l-oħra, is-sħab fl-industrija u fir-riċerka jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura billi jimplimentaw l-attivitajiet operazzjonali tal-JU kif ukoll kontribuzzjonijiet fi flus kontanti għall-ispejjeż amministrattivi u operazzjonali tal-Impriżi Konġunti.

5.

Fil-każ ta’ erba’ JUs (CS, FCH, BBI u S2R), il-membri privati jridu jipprovdu wkoll ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet in natura għal “attivitajiet addizzjonali” li huma dawk li ma jaqgħux taħt il-programmi ta’ ħidma tal-JUs iżda jikkorrispondu għall-objettivi tagħhom. Il-QEA ma għandhiex dritt tawditja dawn il-kontribuzzjonijiet. Għalhekk, aħna la nistgħu nipprovdu opinjoni dwar in-natura, il-kwalità jew ir-realtà tagħhom, u lanqas ma nistgħu nivverifikaw jekk il-membri tal-industrija kinux iwettqu l-attivitajiet korrispondenti xorta waħda.

Baġit għall-Impriżi Konġunti

6.

Il-baġit totali (approprjazzjonijiet ta’ pagament) tal-Impriżi Konġunti fl-2017 kien ta’ EUR 2,1 biljun (2016: EUR 1,8 biljun). Fi tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni, il-kontribuzzjonijiet totali in natura u fi flus kontanti mis-sħab fl-industrija u fir-riċerka kienu mistennija jilħqu ammont simili. Fi tmiem l-2017, l-Impriżi Konġunti kellhom 671 membru tal-persunal impjegati magħhom (2016: 633).

7.

L-informazzjoni dwar il-qasam tal-attività, il-baġit u l-għadd tal-membri tal-persunal tal-Impriżi Konġunti tingħata fl-Anness I.

Approċċ tal-awditjar

8.

F’konformità mal-Artikoli 208 (4) u 209 (2) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (1), l-awditu tal-affidabbiltà tal-kontijiet tal-JUs kollha ġie esternalizzat lil ditti tal-awditjar indipendenti esterni. Skont l-istandards internazzjonali tal-awditjar, aħna eżaminajna l-kwalità tax-xogħol li sar mid-ditti tal-awditjar esterni u ksibna aċċertament suffiċjenti li stajna noqogħdu fuq ix-xogħol tagħhom fil-formulazzjoni tal-opinjonijiet tal-awditjar tagħna dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-JUs għall-2017.

9.

Rigward il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, għal kull JU, l-awditu tagħna kien jinkludi ttestjar sostantiv ta’ kampjuni rappreżentattivi tat-tranżazzjonijiet ta’ pagament u ta’ dħul, eżami analitiku tal-proċeduri amministrattivi u operazzjonali prinċipali (għotjiet, akkwist pubbliku u reklutaġġ), kif ukoll valutazzjoni tas-sistemi ta’ superviżjoni u ta’ kontroll intern tal-JUs. Barra minn hekk, aħna analizzajna kampjun ta’ awditi ex post li ġew iffinalizzati mid-ditti tal-awditjar indipendenti esterni għand il-benefiċjarji ta’ għotjiet taħt l-FP7 u analizzajna s-sistema ċentralizzata tal-awditjar ex post għal pagamenti taħt Orizzont 2020 kemm għand il-JUs kif ukoll għand is-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tad-DĠ RTD. Fl-aħħar nett, aħna vverifikajna l-kompletezza tal-proċess ta’ rkupru tal-JUs għall-iżbalji li nqabdu u l-korrettezza tal-kalkoli tar-rata ta’ żball.

10.

Għas-seba’ Impriżi Konġunti li jimplimentaw is-Seba’ Programm Kwadru u l-programm Orizzont 2020 (SESAR, CS, FCH, IMI, ECSEL, S2R u BBI), il-Kummissjoni kkompletat, f’Ġunju 2017, ir-rapporti tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u tal-valur miżjud tal-Impriżi Konġunti għas-Seba’ Programm Kwadru (FP7) u l-programm Orizzont 2020. Aħna analizzajna r-riżultati tal-evalwazzjoni interim u dawk finali, kif ukoll il-pjan ta’ azzjoni relatat tal-JUs.

RIŻULTATI TAL-AWDITJAR

Opinjonijiet favorevoli dwar l-affidabbiltà għall-JUs kollha

11.

Il-kontijiet finali tal-JUs kollha ppreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom fil-31 ta’ Diċembru 2017 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom u l-flussi tal-flus tagħhom għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Finanzjarji applikabbli u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjonijiet favorevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi tal-kontijiet għal sebgħa minn tmien JUs

12.

It-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 kienu legali u regolari fl-aspetti materjali kollha għal seba’ JUs (F4E, BBI, CS, IMI, FCH, SESAR u S2R).

13.

Bħal fi snin preċedenti, aħna ħriġna opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL. Il-varjazzjonijiet sinifikanti fil-metodoloġiji u fil-proċeduri użati mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ finanzjament (NFAs) ma jippermettux lill-ECSEL tikkalkula rata unika ta’ żball ipponderata u affidabbli jew rata tal-iżball residwu. Għaldaqstant, aħna ma konniex f’pożizzjoni li nikkonkludu jekk l-awditi ex post jipprovdux aċċertament suffiċjenti dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti interim u finali għall-proġetti taħt l-FP7 li huma mmaniġġjati mill-JU. Din il-problema mhijiex rilevanti għall-implimentazzjoni tal-proġetti taħt il-programm Orizzont 2020, peress li s-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-awditi ex post.

Osservazzjonijiet relatati mal-kontribuzzjoni mill-UE għall-ispejjeż tal-proġett ITER

14.

Bħal fl-2016, l-opinjoni tal-awditjar tagħna dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta F4E kienet akkumpanjata minn osservazzjoni (2) relatata mal-kontribuzzjoni mill-UE għall-ispejjeż tal-proġett ITER.

15.

F’Novembru 2016, il-Kunsill tal-ITER approva skeda ġdida u stima tal-ispejjeż għall-proġett ITER, fejn stabbilixxa Diċembru 2025 bħala d-data ta’ skadenza għall-ilħuq tal-ewwel stadju importanti strateġiku tal-fażi ta’ kostruzzjoni (“L-Ewwel Plażma”), u Diċembru 2035 bħala d-data stmata għall-ikkompletar tal-fażi ta’ kostruzzjoni kollha, li tirrappreżenta dewmien ta’ 15-il sena meta mqabbel mal-ippjanar oriġinali.

16.

Ibbażat fuq il-linja bażi l-ġdida tal-proġett, l-Impriża Konġunta F4E kkalkulat mill-ġdid l-ispiża relatata fl-ikkompletar tal-fażi ta’ kostruzzjoni tal-proġett ITER. Ir-riżultati ġew ippreżentati lill-Bord Governattiv tal-Impriża Konġunta f’Diċembru 2016, u ġie stmat li kienu se jkunu meħtieġa madwar EUR 5,4 biljun f’finanzjament addizzjonali mill-UE għall-fażi ta’ kostruzzjoni wara l-2020 (żieda ta’ 82 % fuq l-ammont ta’ EUR 6,6 biljun li kien ġie approvat preċedentement).

17.

Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta F4E trid tikkontribwixxi wkoll għall-fażi operazzjonali tal-proġett ITER wara l-2035, kif ukoll għall-fażijiet sussegwenti ta’ diżattivazzjoni u dekummissjonar. Il-kontribuzzjoni kumplessiva għall-fażi operazzjonali wara l-2035 għadha ma ġietx stmata. L-ispejjeż ta’ diżattivazzjoni u ta’ dekummissjonar ġew stmati f’ammont ta’ EUR 95,5 miljun u EUR 180,02 miljun (f’valuri tal-2001).

18.

Aħna osservajna li l-istimi l-ġodda taż-żmien u tal-ispejjeż ma jinkludux kontinġenzi. F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni dwar il-kontribuzzjoni mill-UE għall-proġett ITER, fejn issuġġeriet li jkun xieraq li tiżdied kontinġenza li tlaħħaq sa 24 xahar fir-rigward tal-iskeda ta’ żmien u 10-20 % fir-rigward tal-baġit. Sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Kunsill tal-UE, l-ammont ta’ EUR 6,6 biljun li diġà ġie adottat mill-Kunsill tal-UE fl-2010 iservi bħala limitu massimu għall-infiq tal-JUs sal-2020. L-F4E ħadet bosta miżuri biex tirrispetta dan is-soll, inklużi l-posponiment tal-akkwist pubbliku u l-installazzjoni ta’ komponenti li mhumiex essenzjali għall-Ewwel Plasma.

19.

Aħna nqisu li, filwaqt li ttieħdu passi pożittivi biex isir titjib fil-ġestjoni u l-kontroll tal-fażi ta’ kostruzzjoni tal-proġett ITER, għad hemm ir-riskju ta’ aktar żidiet fl-ispejjeż u aktar dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett.

Kummenti oħra

20.

Mingħajr ma nixħtu dubju fuq l-opinjonijiet tagħna, aħna fformulajna diversi kummenti fir-rapport annwali speċifiċi tagħna dwar il-JUs, sabiex niġbdu l-attenzjoni għal kwistjonijiet ta’ importanza u nindikaw oqsma fejn jista’ jsir titjib f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, il-kontrolli interni, il-mobilizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet, u l-evalwazzjonijiet li jsiru mill-Kummissjoni.

Nuqqasijiet fl-ippjanar tal-baġit għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament

21.

L-F4E kellha żżid b’mod sinifikanti l-approprjazzjonijiet ta’ pagament li kienu ppjanati għall-2017 fil-baġit inizjali (b’madwar EUR 284 miljun jew 52 %) biex tkopri l-ħtiġijiet ta’ pagament reali tagħha fl-2017. Din is-sitwazzjoni kienet dovuta għal nuqqasijiet serji fil-proċess ta’ ppjanar tal-baġit tal-JU u affettwat il-baġit tal-JU għall-2018.

22.

F’żewġ każijiet (SESAR, IMI), ir-rata ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament fl-2017 kienet sinifikattivament aktar baxxa milli mistenni. Għas-SESAR dan kien prinċipalment dovut għal dewmien fil-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ għotja taħt Orizzont 2020 u n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ dħul importanti assenjat li kien ġej minn irkupri għal proġetti magħluqa taħt l-FP7. Għall-IMI, ir-rata baxxa ta’ implimentazzjoni tal-baġit kienet prinċipalment marbuta ma’ tnaqqis u posponiment ta’ provi kliniċi fi ħdan ċerti proġetti kbar, kif ukoll għal dewmien fil-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ għotja għal sejħiet magħluqa taħt Orizzont 2020. Il-fatt li l-JUs jistgħu jerġgħu jdaħħlu approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati minn snin preċedenti fil-baġit tat-tliet suċċessivi, flimkien ma’ proċess tqil ta’ ppjanar tal-baġit, għandu impatt dejjem aktar negattiv fuq ir-rati ta’ implimentazzjoni baġitarja tal-JUs għall-pagamenti.

Għeluq tal-programm FP7: il-JUs kisbu livell medju ta’ implimentazzjoni ta’ 87 %

23.

Aħna rrappurtajna dwar l-implimentazzjoni baġitarja pluriennali tal-JUs taħt il-programmi FP7 u TEN-T (SESAR, CS, IMI, FCH, ECSEL).

24.

Rigward il-ħames JUs li jimplimentaw attivitajiet taħt l-FP7 (SESAR, CS, IMI, FCH, ECSEL), fi tmiem l-2017 (il-fażi tal-għeluq tal-programm FP7), l-UE kienet tat total ta’ EUR 3,1 biljun f’kontribuzzjonijiet effettivi fi flus kontanti mill-ammont massimu ta’ EUR 3,6 biljun f’kontribuzzjonijiet fi flus kontanti maqbula. Dan juri li dawn il-JUs kienu kisbu livell medju ta’ implimentazzjoni għall-attivitajiet tagħhom taħt l-FP7 ta’ madwar 87 %.

F’nofs il-programm Orizzont 2020: il-JUs esperjenzaw dewmien fl-implimentazzjoni

25.

Aħna rrappurtajna dwar l-implimentazzjoni baġitarja pluriennali tal-JUs taħt il-programm Orizzont 2020.

26.

Rigward is-seba’ JUs li jimplimentaw attivitajiet taħt Orizzont 2020 (SESAR, CS, IMI, FCH, ECSEL, BBI, S2R), fi tmiem l-2017 (nofs it-terminu tal-programm Orizzont 2020), l-UE kienet effettivament ikkontribwiet, lill-JUs kollha li jimplimentaw il-programm Orizzont 2020, EUR 1,6 biljun mill-ammont massimu totali ta’ EUR 7,2 biljun fi flus kontanti maqbula. Dan juri li dawn il-JUs attwalment kisbu livell medju ta’ implimentazzjoni għall-attivitajiet tagħhom taħt Orizzont 2020 ta’ madwar 23 %. Il-livell attwali ta’ implimentazzjoni għall-attivitajiet taħt Orizzont 2020 kien aktar baxx għall-IMI (11 %), prinċipalment minħabba ż-żmien twil meħtieġ mill-konsorzji ta’ proġetti biex jinkludu ftehimiet ta’ għotja taħt Orizzont 2020, kif ukoll għall-BBI (15 %).

Kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali li ma jaqgħux taħt il-programm ta’ ħidma tal-JUs irrappreżentaw l-akbar parti tal-kontribuzzjonijiet minn membri privati

27.

Sa tmiem l-2017, is-sħab fl-industrija u fir-riċerka tas-seba’ JUs li jimplimentaw attivitajiet taħt Orizzont 2020 kienu effettivament ikkontribwew EUR 2,9 biljun jew 39 % tal-kontribuzzjonijiet totali maqbula ta’ EUR 7,5 biljun. Dan l-ammont jikkonsisti minn EUR 1 biljun (3) f’kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali proprji tal-JUs taħt Orizzont 2020 (34 %) u minn EUR 1,9 biljun f’kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali li ma jaqgħux taħt il-programm ta’ ħidma tal-JUs (66 %). Madankollu, minkejja l-importanza tagħhom, mhumiex obbligati li jiddivulgaw il-kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali fil-kontijiet annwali, u aħna ma għandniex mandat biex nawditjawhom. B’konsegwenza ta’ dan, ma nistgħux nipprovdu opinjoni dwar in-natura, il-kwalità u l-kwantità tagħhom (CS, FCH, BBI, S2R).

28.

Rigward il-BBI, fi Frar 2017, il-Kummissjoni pproponiet emenda tar-Regolament fundatur tal-BBI bil-ħsieb li l-membri tal-industrija jkunu jistgħu jipprovdu wkoll il-kontribuzzjonijiet tagħhom fi flus kontanti fil-livell tal-proġetti. Madankollu, hemm riskju kbir li l-membri tal-industrija ma jiksbux l-ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet operazzjonali fi flus kontanti (EUR 182,5 miljun) qabel tmiem il-programm.

29.

Aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni baġitarja pluriennali tista’ tinstab fir-Rapport Annwali tal-Attività 2017 tal-JUs.

Il-kontrolli interni għal pagamenti kienu ġeneralment effettivi u żammew ir-rati ta’ żball taħt il-livell ta’ materjalità

30.

L-Impriżi Konġunti stabbilew proċeduri affidabbli ta’ kontroll ex ante bbażati fuq analiżijiet dokumentarji finanzjarji u operazzjonali. Għal pagamenti interim u finali taħt l-FP7, ditti tal-awditjar indipendenti esterni, ikkuntrattati mill-JUs, iwettqu awditi ex post għand il-benefiċjarji, filwaqt li għal klejms għall-ispejjeż taħt Orizzont 2020, il-CAS tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-awditi ex post li jsiru għand il-benefiċjarji. Il-JUs kollha użaw dawn il-kontrolli ewlenin b’mod effettiv biex jivvalutaw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ pagament ta’ bażi.

31.

Għall-pagamenti ta’ għotja taħt l-FP7, l-Impriżi Konġunti kollha (għajr l-ECSEL) ikkalkulaw u rrappurtaw rati tal-iżball residwu taħt 2 %, ibbażata fuq ir-riżultati tal-awditjar ex post fi tmiem l-2017. Dan kien ikkonfermat mill-ittestjar sostantiv u mill-eżaminar proprju tagħna li wettaqna tax-xogħol tad-ditti tal-awditjar esterni.

32.

Għall-pagamenti ta’ għotja taħt Orizzont 2020, tlieta biss minn seba’ JUs li jimplimentaw proġetti taħt Orizzont 2020 (CS, IMI, u SESAR) setgħu jikkalkulaw u jirrappurtaw rata ta’ żball ibbażat fuq awditi ex post suffiċjenti li ġew ikkompletati mill-CAS. Għas-SESAR, ir-rata tal-iżball residwu għall-pagamenti taħt Orizzont 2020 kienet 2,8 %. Madankollu, b’kont meħud tal-ammont pjuttost baxx ta’ pagamenti totali taħt Orizzont 2020 meta mqabbel mal-ammont totali ta’ pagamenti li saru mis-SESAR fl-2017, ir-rata kumplessiva tal-iżball residwu baqgħet taħt il-livell ta’ materjalità.

33.

Il-JUs l-oħra (FCH, ECSEL, S2R, BBI) se jkollhom ir-riżultati tal-ewwel awditjar ex post fl-2018, billi fl-2017, il-proġetti tagħhom taħt Orizzont 2020 kienu għadhom f’fażi bikrija ta’ implimentazzjoni u l-pagamenti operazzjonali tagħhom taħt Orizzont 2020 li saru fl-2017 kienu prinċipalment prefinanzjamenti.

Għad hemm dgħufijiet fil-qafas ta’ kontroll intern u ta’ monitoraġġ, kif ukoll fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, ta’ għotjiet u ta’ reklutaġġ

34.

Fi tmiem l-2017, kienu għadhom ma ġewx ipprovduti l-iżviluppi speċifiċi meħtieġa fl-għodod komuni tal-Kummissjoni għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-għotjiet, taħt il-programm Orizzont 2020, biex dawn ikunu jistgħu jipproċessaw il-kontribuzzjonijiet in natura tal-JUs. Dan affettwa l-qafas ta’ kontroll intern u ta’ monitoraġġ ta’ erba’ JUs (CS, IMI, SESAR, S2R).

35.

Fl-ECSEL, SESAR, u F4E nstabu bosta nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-istandards ta’ kontroll intern. Fl-ECSEL, ir-reġistru tal-eċċezzjonijiet ma nżammx kif suppost. Fis-SESAR, it-tluq ta’ membri ewlenin tal-persunal u l-ammont akbar ta’ xogħol li dan sussegwentement ikkawża fid-dipartiment tal-finanzi ġġeneraw nuqqasijiet fil-kontroll finanzjarju. Fl-F4E nstabu nuqqasijiet sinifikanti fil-proċeduri ta’ kontroll intern u ta’ monitoraġġ relatati mar-reklutaġġ ta’ membru ewlieni tal-persunal fil-maniġment, is-segwitu tad-dikjarazzjonijiet ta’ interess mill-maniġment, kif ukoll l-istrateġiji interni ta’ komunikazzjoni, li minħabba fihom ma setgħetx tiġi żgurata d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni finanzjarja xierqa rilevanti għall-kontijiet annwali.

36.

Għal tliet JUs (ECSEL, S2R, SESAR) instabu xi nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-proċeduri ta’ akkwist tal-2017.

37.

Għall-BBI nstabu xi dgħufijiet fit-tfassil u l-ġestjoni tas-sejħa għal proposti għal għotjiet tal-2016, li rriżultaw f’kopertura baxxa (50 %) għas-suġġetti tas-sejħiet fil-qasam tal-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni (RIA). Suġġetti importanti tar-RIA baqgħu ma rċevewx finanzjament.

Il-kapaċità tal-JUs li jimmobilizzaw kontribuzzjonijiet minn membri privati fil-qafas ta’ Orizzont 2020

38.

Wieħed mill-objettivi prinċipali u valur miżjud ta’ kull JU huwa li timmobilizza l-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-membri privati tal-industrija u tar-riċerka fil-qasam tal-attivitajiet tagħha matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħha (10 snin). Bħala indikatur għall-kapaċità ta’ JU li timmobilizza kontribuzzjonijiet minn membri privati, aħna użajna l-koeffiċjent minimu ta’ mobilizzazzjoni kkalkulat fuq il-bażi tal-kontribuzzjonijiet mill-membri, kif definit fid-dispożizzjonijiet rispettivi tar-Regolament fundatur tal-JU (4). Għal livell raġonevoli ta’ mobilizzazzjoni, il-kontribuzzjonijiet minimi mill-membri privati għall-attivitajiet tal-JU jridu minn tal-inqas ikunu daqs il-kontribuzzjoni mill-UE fi flus kontanti.

39.

L-Anness II jagħti stampa ġenerali tal-koeffiċjenti minimi ta’ mobilizzazzjoni għas-seba’ JUs li jimplimentaw l-attivitajiet taħt Orizzont 2020. Fil-każ ta’ tliet JUs (CS, FCH, BBI) ir-Regolament fundatur ma jobbligax lill-membri privati biex jagħmlu ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali tal-JU. B’konsegwenza, għal dawn il-JUs ġie kkalkulat biss koeffiċjent minimu ta’ mobilizzazzjoni wieħed li jinkludi ż-żewġ kontribuzzjonijiet għal attivitajiet operazzjonali u dawk addizzjonali.

L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-pjanijiet ta’ azzjoni relatati tal-JUs

40.

Fl-2017, il-Kummissjoni kkompletat l-evalwazzjonijiet statutorji finali tal-JUs stabbiliti taħt il-programm FP7 (SESAR, IMI, FCH, CS, ARTEMIS u ENIAC) u l-evalwazzjonijiet statutorji interim tal-JUs stabbiliti taħt Orizzont 2020 (SESAR, IMI2, CS2, FCH2, ECSEL, S2R, BBI).

41.

L-evalwazzjonijiet twettqu bl-assistenza ta’ esperti indipendenti u koprew il-prestazzjoni tagħhom f’termini ta’ rilevanza, effiċjenza, effettività, koerenza, u valur miżjud tal-UE, filwaqt li ttieħdu wkoll inkunsiderazzjoni t-trasparenza u l-kwalità tar-riċerka.

42.

F’Ottubru 2017, il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni. Filwaqt li, b’mod ġenerali, l-evalwaturi qiesu li l-prestazzjoni tal-JUs kienet pożittiva, huma rrakkomandaw: li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-industrija, l-Istati Membri, l-SMEs u partijiet ikkonċernati oħra; li titjieb il-koordinazzjoni mal-Programmi l-oħra ta’ Riċerka fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE; li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda; li jkompli jiġi żviluppat Qafas għall-Kejl tal-Prestazzjoni kompatibbli mal-obbligu ta’ rendikont b’indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex issir valutazzjoni aħjar tal-impatti u l-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-JUs; li jsir titjib fid-disseminazzjoni u l-isfruttament tar-riżultati tal-proġetti tal-JUs.

43.

B’rispons, kull JU ħejjiet pjan ta’ azzjoni u bdiet timplimentah fl-2018. Matul l-awditu finanzjarju 2018 tagħha, il-QEA se tiżgura li jsir segwitu tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tal-JUs.

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

44.

Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, il-JUs ħadu azzjonijiet korrettivi biex isegwu l-kummenti li saru fir-rapporti annwali speċifiċi tagħna tas-snin preċedenti. Id-dettalji jistgħu jinstabu fl-annessi għar-rapporti tagħna. L-implimentazzjoni tal-kummenti mis-snin preċedenti għadha għaddejja fl-ECSEL u fl-F4E.

(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(2)  Osservazzjoni tintuża biex tinġibed l-attenzjoni għal kwistjoni li ma tkunx ġiet materjalment iddikjarata b’mod skorrett fil-kontijiet, iżda li tkun ta’ tant importanza li tkun fundamentali biex l-utenti jifhmu l-kontijiet.

(3)  Minn dan l-ammont, madwar EUR 0,2 biljun biss (20 %) kienu ġew iċċertifikati fi tmiem l-2017.

(4)  Koeffiċjent minimu ta’ mobilizzazzjoni = total tal-kontribuzzjonijiet minimi mill-membru privat, kif definit fir-Regolament fundatur tal-JU/kontribuzzjoni massima mill-UE fi flus kontanti lill-JU, kif definit fir-Regolament fundatur tal-JU.


ANNESS I

Attivitajiet, baġit u persunal tal-Impriżi Konġunti

IMPRIŻA KONĠUNTA

DĠ Prinċipali

Qasam ta' Politika

Attività Prinċipali

Baġit Finali (miljun EUR)

Membri tal-persunal (impjegati fi tmiem is-sena)

2017

2016

2017

2016

BBI

DĠ RTD

Riċerka

Riċerka u żvilupp fil-qasam ta’ bijoprodotti u bijokarburanti

92

66

20

20

CLEAN SKY

DĠ RTD

Riċerka

Riċerka u żvilupp fil-qasam ta’ teknoloġiji ajrunawtiċi

244

288

41

41

ECSEL

DĠ CONNECT

Riċerka

Riċerka u innovazzjoni fil-qasam ta’ komponenti u sistemi elettroniċi

290

244

29

29

F4E — FUŻJONI GĦALL-ENERĠIJA

DĠ ENER

Riċerka

Riċerka u żvilupp fil-qasam tal-enerġija minn fużjoni nukleari

865

720

447

415

FCH — ĊELLOLI TAL-FJUWIL U L-IDROĠENU

DĠ RTD

Riċerka

Riċerka u żvilupp fil-qasam ta’ ċelloli tal-fjuwil u idroġenu

199

116

26

26

IMI — INIZJATTIVA DWAR MEDIĊINI INNOVATTIVI

DĠ RTD

Riċerka

Riċerka u żvilupp farmaċewtiċi fil-qasam ta’ mediċini innovattivi

206

209

49

41

SESAR

DĠ MOVE

Riċerka

Riċerka u żvilupp fil-qasam tas-sistema ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru

192

157

40

44

S2R — SHIFT2RAIL

DĠ MOVE

Riċerka

Riċerka u żvilupp fil-qasam tas-settur ferrovjarju

44

52

19

17

Total

2 131

1 852

671

633


ANNESS II

Koeffiċjenti ta’ mobilizzazzjoni tal-Impriżi Konġunti (Orizzont 2020)

IMPRIŻA KONĠUNTA

DĠ Prinċipali

Qasam ta' Politika

Attività Prinċipali

Koeffiċjent ta’ mobilizzazzjoni għal attivitajiet operazzjonali

Koeffiċjent ta’ mobilizzazzjoni għal attivitajiet operazzjonali u dawk addizzjonali

BBI

DĠ RTD

Riċerka

Riċerka u żvilupp fil-qasam ta’ bijoprodotti u bijokarburanti

2,8

CLEAN SKY

DĠ RTD

Riċerka

Riċerka u żvilupp fil-qasam ta’ teknoloġiji ajrunawtiċi

1,25

ECSEL

DĠ CONNECT

Riċerka

Riċerka u innovazzjoni fil-qasam ta’ komponenti u sistemi elettroniċi

1,42

1,42

FCH — ĊELLOLI TAL-FJUWIL U L-IDROĠENU

DĠ RTD

Riċerka

Riċerka u żvilupp fil-qasam ta’ ċelloli tal-fjuwil u idroġenu

0,67

IMI — INIZJATTIVA DWAR MEDIĊINI INNOVATTIVI

DĠ RTD

Riċerka

Riċerka u żvilupp farmaċewtiċi fil-qasam ta’ mediċini innovattivi

1

1

SESAR

DĠ MOVE

Riċerka

Riċerka u żvilupp fil-qasam tas-sistema ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru

0,85

0,85

S2R — SHIFT2RAIL

DĠ MOVE

Riċerka

Riċerka u żvilupp fil-qasam tas-settur ferrovjarju

0,88

1,18


14.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 452/10


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

(2018/C 452/02)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI

1-10

11

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta BBI

1-2

11

Governanza

3-5

11

Objettivi

6

11

Riżorsi

7-9

11

L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni

10

12

OPINJONI

11-23

12

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

12

12

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

13

12

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

14

12

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

15-17

12

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

18-23

13

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

24-30

13

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

24

13

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

25-30

14

KONTROLLI INTERNI

31-35

14

Qafas ta’ kontroll intern

31-34

14

Sejħa għal proposti tal-2016

35

15

KWISTJONIJIET OĦRA

36

15

Mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija

36

15

INFORMAZZJONI DWAR L-EVALWAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

37-38

15

IR-RISPOSTA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

17

INTRODUZZJONI

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta BBI

1.

L-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (BBI), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Mejju 2014 (1) għal perjodu ta’ 10 snin u bdiet topera b’mod awtonomu fis-26 ta’ Ottubru 2015.

2.

L-Impriża Konġunta BBI hija sħubija pubblika-privata fis-settur tal-industriji b’bażi bijoloġika. Il-membri fundaturi huma l-Unjoni Ewropea (UE), irrappreżentata mill-Kummissjoni, u s-sħab industrijali rrappreżentati mill-Konsorzju tal-Industriji b’bażi Bijoloġika (BIC).

Governanza

3.

L-istruttura ta’ governanza tal-Impriża Konġunta BBI tinkludi l-Bord ta’ Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv, il-Kumitat Xjentifiku u l-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati.

4.

Il-Bord ta’ Tmexxija huwa magħmul minn ħames rappreżentanti tal-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni; u ħames rappreżentanti tal-membri li mhumiex l-Unjoni, li mill-inqas wieħed minnhom irid ikun rappreżentant tal-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs). Il-Bord ta’ Tmexxija għandu r-responsabbiltà globali għall-orjentazzjoni strateġika u l-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha. Id-Direttur Eżekuttiv huwa responsabbli mit-tmexxija ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta.

5.

Il-Kumitat Xjentifiku u l-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati huma korpi konsultattivi. Il-Kumitat Xjentifiku jipprovdi pariri dwar il-prijoritajiet xjentifiċi li għandhom jiġu indirizzati fil-pjanijiet ta’ ħidma annwali tal-Impriża Konġunta. Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati jipprovdi opinjonijiet dwar l-istrateġija u l-ilħuq tal-miri.

Objettivi

6.

L-objettiv tal-Impriża Konġunta BBI huwa li timplimenta programm ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fl-Ewropa li jivvaluta d-disponibbiltà ta’ riżorsi bijoloġiċi rinnovabbli li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ materjali b’bażi bijoloġika, u abbażi ta’ hekk tappoġġa l-istabbiliment ta’ katini ta’ valur b’bażi bijoloġika sostenibbli. Dawn l-attivitajiet jitwettqu permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati tul il-katina kollha ta’ valur b’bażi bijoloġika, inklużi l-industriji ewlenin tal-produzzjoni u l-ipproċessar, il-marki tal-konsumaturi, l-SMEs, iċ-ċentri għat-teknoloġija u r-riċerka, u l-universitajiet.

Riżorsi

7.

Il-kontribuzzjoni massima mill-UE għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta BBI hija ta’ EUR 975 miljun, li għandha tiġi ffinanzjata mill-programm Orizzont 2020 (2). Il-membri tal-industrija tal-Impriża Konġunta huma mistennija li jikkontribwixxu riżorsi ta’ mill-inqas EUR 2 730 miljun tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħha (3). Minn dan l-ammont, il-membri tal-industrija jkunu jridu jikkontribwixxu ammont minimu ta’ EUR 182,5 miljun fi flus kontanti għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta, u jġarrbu ammont minimu ta’ EUR 1 755 miljun fi spejjeż għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet addizzjonali li ma jkunux fil-pjan ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta BBI (4).

8.

L-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta BBI huma limitati għal EUR 58,5 miljun, li għandhom ikunu koperti permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji li jinqasmu b’mod ugwali u fuq bażi annwali bejn l-UE u l-membri tal-industrija (5).

9.

Fl-2017, il-baġit finali tal-Impriża Konġunta BBI kien ta’ EUR 91,6 miljun (2016: EUR 66 miljun). Fil-31 ta’ Diċembru 2017, l-Impriża Konġunta kellha 20 membru tal-persunal impjegati magħha (2016: 20) (6).

L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni

10.

F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni kkompletat l-evalwazzjoni interim tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta. Din ġiet segwita minn pjan ta’ azzjoni mħejji mill-Impriża Konġunta biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet li saru fl-evalwazzjoni. Din id-darba, aħna ninkludu taqsima li hija relatata mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Impriża Konġunta b’rispons għall-evalwazzjoni interim, u li hija intenzjonata biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma tiffurmax parti mill-opinjoni jew mill-osservazzjonijiet tal-awditjar tagħna.

OPINJONI

11.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet tal-Impriża Konġunta, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (7) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (8) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

12.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta’ Diċembru 2017, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. Dawn huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

13.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tagħna, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

15.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-maniġment tal-Impriża Konġunta jerfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet.

16.

Fit-tħejjija tal-kontijiet, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-Impriża Konġunta li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga, kif applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat.

17.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-entità.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

18.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-Impriża Konġunta jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew lil awtoritajiet ta’ kwittanza rispettivi oħra b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li awditu dejjem se jaqbad dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet.

19.

Awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqies il-kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi, iżda mhux bl-iskop li tingħata opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll intern. Awditu jinkludi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi li jsiru mill-maniġment, u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

20.

Għad-dħul, aħna nivverifikaw is-sussidju li jiġi riċevut mingħand il-Kummissjoni u nivvalutaw il-proċeduri tal-Impriża Konġunta għall-ġbir ta’ tariffi u ta’ introjtu ieħor.

21.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti (inklużi dawk li jkunu saru għax-xiri ta’ assi) minbarra pagamenti bil-quddiem fil-punt meta jsiru.

22.

Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport u l-opinjonijiet, aħna qisna x-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet tal-Impriża Konġunta kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (9).

23.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-QEA.

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

24.

Il-baġit finali għall-2017 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 92,9 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 91,6 miljun. Ir-rati ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienu ta’ 97 % u 95 %, rispettivament. Il-biċċa l-kbira mill-approprjazzjonijiet ta’ pagament li saru mill-Impriża Konġunta kienu l-prefinanzjament tal-ftehimiet ta’ għotja li rriżultaw mis-sejħa għal proposti tal-2016.

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

25.

Mill-ammont massimu ta’ EUR 975 miljun f’kontribuzzjonjieti fi flus kontanti li għandhom jiġu allokati mill-UE għall-Impriża Konġunta BBI tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħha, l-UE kienet ikkontribwiet total ta’ EUR 150,7 miljun fi flus kontanti, sa tmiem l-2017.

26.

Il-membri tal-industrija mhumiex obbligati jikkontribwixxu ammont minimu in natura għall-attivitajiet tal-BBI. Fi tmiem l-2017, il-membri tal-industrija kienu rrappurtaw ammont ta’ EUR 26 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali, xejn minnu ma kien għadu ġie vvalidat mid-Direttur Eżekuttiv tal-BBI. Barra minn hekk, il-Bord ta’ Tmexxija kien ivvalida EUR 5,8 miljun f’kontribuzzjonijiet fi flus kontanti mill-membri tal-industrija għall-ispiża amministrattiva.

27.

Mill-ammont minimu ta’ EUR 182,5 miljun f’kontribuzzjonijiet fi flus kontanti li għandhom isiru mill-membri tal-industrija għall-ispiża operazzjonali tal-Impriża Konġunta tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħha, kienu tħallsu EUR 0,8 miljun biss lill-Impriża Konġunta, sa tmiem l-2017. Konsegwentement, il-Kummissjoni (DĠ RTD) issospendiet il-pagament ta’ EUR 50 miljun f’kontribuzzjonijiet fi flus kontanti lill-Impriża Konġunta. Għalkemm, fi Frar 2017, il-Kummissjoni pproponiet emenda tar-Regolament fundatur tal-BBI (10) bil-ħsieb li l-membri tal-industrija jkunu jistgħu jipprovdu wkoll il-kontribuzzjonijiet tagħhom fi flus kontanti fil-livell tal-proġetti, hemm riskju għoli li l-membri tal-industrija ma jiksbux l-ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet fi flus kontanti qabel it-tmiem tal-programm tal-BBI.

28.

Mill-ammont ta’ mill-inqas EUR 1 755 miljun f’kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija għal attivitajiet addizzjonali li ma jkunux fil-programm ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta, sa tmiem l-2017, kienu ġew irrappurtati u ċċertifikati EUR 663,6 miljun (39 %). Madankollu, peress li ma għandna l-ebda dritt li nawditjaw il-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri għal attivitajiet addizzjonali, aħna ma nistgħux nipprovdu opinjoni dwar in-natura, il-kwalità u l-kwantità tagħhom.

29.

Konsegwentement, sa tmiem l-2017, il-kontribuzzjonijiet totali mill-membri tal-industrija ammontaw għal EUR 670,2 miljun, (li minnhom kważi 100 % huma kontribuzzjonijiet għal attivitajiet addizzjonali), filwaqt li l-kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-UE ammontat għal EUR 150,7 miljun (ara wkoll il-paragrafu 36).

30.

Mill-baġit massimu ta’ EUR 1 186,75 miljun (11) għall-attivitajiet operazzjonali u amministrattivi tal-Impriża Konġunta, din kienet għamlet impenji ta’ EUR 509,8 miljun u pagamenti ta’ EUR 172,2 miljun, sa tmiem l-2017.

KONTROLLI INTERNI

Qafas ta’ kontroll intern

31.

L-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri affidabbli ta’ kontroll ex ante bbażati fuq analiżijiet dokumentarji finanzjarji u operazzjonali. Is-sitwazzjoni fi tmiem l-2017, indikat li fil-biċċa l-kbira, l-Istandards ta’ Kontroll Intern (ICS) l-aktar importanti kienu ġew implimentati, u xi wħud mill-istandards l-oħra għandhom jiġu implimentati fl-2018, bħall-ICS 8 (Proċessi u proċeduri), l-ICS 10 (Kontinwità tal-operat) u l-ICS 11 (Ġestjoni ta’ dokumenti).

32.

Is-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-awditjar ex post tal-klejms għall-ispejjeż ta’ proġetti taħt il-programm Orizzont 2020. Fl-2017, l-Impriża Konġunta – flimkien mas-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tad-DĠ RTD – niedet l-ewwel awditu ex post ta’ kampjun aleatorju tal-klejms għall-ispejjeż interim relatati mal-programm Orizzont 2020 li, madankollu, ir-riżultati tiegħu mhumiex se jiġu rrappurtati ħlief fir-Rapport Annwali tal-Attività 2018 tal-Impriża Konġunta.

33.

Ibbażat fuq valutazzjoni tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta, u fuq ittestjar sostantiv tal-operazzjonijiet ta’ dħul, ta’ pagamenti, ta’ għotjiet u ta’ akkwist, ir-riżultati tal-awditjar ipprovdewlna aċċertament raġonevoli li r-rata kumplessiva tal-iżball residwu għall-Impriża Konġunta hija taħt il-livell ta’ materjalità.

34.

Fi tmiem l-2017, kienu għadhom ma sarux l-iżviluppi speċifiċi meħtieġa fl-għodod komuni tal-Kummissjoni għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-għotjiet, taħt il-programm Orizzont 2020, biex dawn ikunu jistgħu jipproċessaw il-kontribuzzjonijiet in natura tal-Impriża Konġunta.

Sejħa għal proposti tal-2016

35.

Is-sejħa għal proposti għal għotjiet tal-2016 irriżultat f’kopertura relattivament baxxa tas-suġġetti tal-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni (RIA). Ir-RIA kellhom baġit totali ta’ EUR 50 miljun u kien fihom 12-il suġġett, li kull wieħed minnhom kellu jkun immirat fuq l-sfidi speċifiċi li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u twettiq tal-katini ta’ valur. Il-proposti kollha eliġibbli kienu ġew evalwati bi tqabbil mal-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ Orizzont 2020 u kienu ġew ikklassifikati għal kofinanzjament taħt il-limiti tal-linja baġitarja komuni. Madankollu, il-biċċa l-kbira mill-baġit għall-għotjiet kien iffukat fuq tliet suġġetti mis-sitta li kienu finanzjati, filwaqt li l-Impriża Konġunta ma setgħetx tiffinanzja sitt suġġetti ta’ azzjoni tar-RIA, minkejja li għal erbgħa minnhom hija kellha proposti li kienu eliġibbli għal kofinanzjament. Biex tiżgura kopertura ottima tas-suġġetti l-aktar importanti, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tqis il-possibbiltà li tillimita l-għadd ta’ proposti għal kull suġġett billi fis-sejħa tiddefinixxi baġit indikattiv fil-livell tas-suġġetti.

KWISTJONIJIET OĦRA

Mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija

36.

Wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li timmobilizza l-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-membri tal-industrija fil-qasam tal-attivitajiet tagħha (12). Il-fattur minimu ta’ mobilizzazzjoni li għandu jinkiseb kemm għall-attivitajiet operazzjonali kif ukoll għal dawk addizzjonali jammonta għal 2,8 (13). Madankollu, ir-Regolament fundatur tal-BBI ma jobbligax lill-membri tal-industrija biex jagħmlu ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta (14). Konsegwentement, ma jistax jiġi ddeterminat fattur minimu ta’ mobilizzazzjoni għall-kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali. Peress li ma għandna l-ebda dritt li nawditjaw il-kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali, aħna ma nistgħux nipprovdu opinjoni dwar in-natura, il-kwalità jew il-kwantità ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (15).

INFORMAZZJONI DWAR L-EVALWAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

37.

L-Evalwazzjoni Interim (16) tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta BBI li l-Kummissjoni wettqet kienet tkopri l-perjodu 2014-2016, u saret bl-assistenza ta’ esperti indipendenti kif previst fir-Regolament tal-Kunsill dwar l-Impriża Konġunta BBI (17). L-evalwazzjoni kopriet il-prestazzjoni tal-Impriża Konġunta f’termini ta’ rilevanza, effiċjenza, effettività, koerenza, u valur miżjud tal-UE, filwaqt li ttieħdu wkoll inkunsiderazzjoni t-trasparenza u l-kwalità tar-riċerka. Il-Kummissjoni qieset ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet fir-rapport li bagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Ottubru 2017 (18).

38.

B’rispons għar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-evalwaturi (19), l-Impriża Konġunta ħejjiet Pjan ta’ Azzjoni li ġie approvat mill-Bord ta’ Tmexxija tal-BBI f’Marzu 2018 (20). Filwaqt li l-Impriża Konġunta aċċettat ir-rakkomandazzjonijiet b’mod ġenerali, hija diġà niedet l-implimentazzjoni ta’ xi wħud mill-azzjonijiet (21) bl-għan li tindirizza l-kwistjonijiet prinċipali li tqajmu fl-Evalwazzjoni Interim. Skont il-pjan ta’ azzjoni, jenħtieġ li l-biċċa l-kbira mill-azzjonijiet li għandhom jittieħdu b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati fl-2018 u fl-2019.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Neven MATES, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 130).

(2)  L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 560/2014.

(3)  L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 560/2014.

(4)  Kif previst fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 560/2014, attivitajiet addizzjonali huma kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet li ma jkunux fil-pjan ta’ ħidma u fil-baġit tal-Impriża Konġunta iżda li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Inizjattiva BBI. F’konformità mal-Artikolu 4(4) tal-istess Regolament, l-ispiża tal-attivitajiet addizzjonali trid tiġi ċċertifikata minn awditur indipendenti estern u mhijiex suġġetta għall-awditjar mill-Impriża Konġunta, mill-QEA jew minn kwalunkwe korp ieħor tal-UE.

(5)  L-Artikolu 12(2) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta BBI (l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 560/2014).

(6)  Aktar informazzjoni dwar l-Impriża Konġunta BBI u l-attivitajiet tagħha hija disponibbli fuq is-sit web tagħha: https://www.bbi-europe.eu.

(7)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(8)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu r-rapporti li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha u n-noti ta’ spjegazzjoni.

(9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/121 tat-23 ta’ Jannar 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 560/2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika. (ĠU L 22, 26.1.2018, p. 1).

(11)  Dan l-ammont jinkludi l-kontribuzzjoni massima fi flus kontanti mill-UE għall-ispejjeż operazzjonali u amministrattivi tal-Impriża Konġunta (EUR 975 miljun) u l-kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-membri tal-industrija għall-ispejjeż amministrattivi (EUR 29,25 miljun) u operazzjonali (EUR 182,5 miljun) tagħha. Dawn l-ammonti ma jinkludux il-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti mill-membri tal-industrija għall-ispejjeż operazzjonali fil-livell tal-proġetti tal-Impriża Konġunta.

(12)  Il-Premessa 3 tar-Regolament (UE) Nru 560/2014 tiddikjara li jenħtieġ li din is-sħubija tkun ibbażata fuq kontribuzzjoni bilanċjata mis-sħab kollha.

(13)  It-total tal-ammont minimu tal-kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet operazzjonali u dawk addizzjonali tal-Impriża Konġunta (EUR 2 730 miljun) diviż bil-kontribuzzjoni massima fi flus kontanti mill-UE għall-Impriża Konġunta (EUR 975 miljun).

(14)  L-Artikolu 4(1) u 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 560/2014 jispeċifika li l-membri tal-industrija u tar-riċerka jridu jagħmlu kontribuzzjonijiet totali ta’ mill-inqas EUR 2 730 miljun matul il-ħajja tal-Impriża Konġunta, li minnhom mill-inqas EUR 1 755 miljun iridu jikkonsistu fi spejjeż imġarrba minnhom fl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet addizzjonali li ma jkunux fil-pjan ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(4) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta annessi mal-istess regolament jiddikjara li mill-ammont totali l-membri tal-industrija jridu jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji (fi flus kontanti) ta’ mill-inqas EUR 182,5 miljun għall-ispejjeż operazzjonali tal-Impriża Konġunta.

(15)  Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 560/2014 l-ispiża tal-attivitajiet addizzjonali tiġi ċċertifikata minn awditur indipendenti estern maħtur mill-Impriża Konġunta. Madankollu, l-ispiża għal dawn l-attivitajiet ma għandhiex tiġi awditjata mill-Impriża Konġunta jew minn kwalunkwe korp tal-Unjoni.

(16)  Evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta BBI (2014-2016) li topera taħt Orizzont 2020. https://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/bbi.pdf

(17)  L-Artikolu 11 tal-Regolament (UE) Nru 560/2014.

(18)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat: Interim Evaluation of the Joint Undertakings operating under Horizon 2020 (Evalwazzjoni Interim tal-Impriżi Konġunti li joperaw taħt Orizzont 2020) {SWD(2017) 339 final}.

(19)  Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi li jirriżultaw mill-Evalwazzjoni Interim jinkludu: li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tal-EU-13; li jiżdied l-involviment tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tar-riċerka; li jsir titjib fil-koordinazzjoni bejn l-inizjattivi kollha tal-UE li jistimulaw il-bijoekonomija; li jsir investiment f’suġġetti li jistgħu joħolqu benefiċċji usa’ u dejjiema; li jiżdied u jiġi intensifikat l-impenn tas-settur privat, u li jinħarġu rapporti li jipprovdu deskrizzjoni komprensiva tal-kontribuzzjonijiet effettivi, privati u pubbliċi, li saru lill-Impriża Konġunta sa issa; li jsir monitoraġġ tal-progress permezz ta’ tqabbil annwali bejn KPIs speċifiċi għall-BBI, kemm dawk ipproġettati kif ukoll dawk miksuba; li tkompli tiġi promossa l-koordinazzjoni ta’ inizjattivi b’bażi bijoloġika bil-promozzjoni ta’ aktar Azzjonijiet ta’ Koordinazzjoni u Appoġġ (proġetti CSA).

(20)  Il-Pjan ta’ azzjoni tħejja f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Konsorzju tal-Industriji b’bażi Bijoloġika (BIC) u l-Kummissjoni Ewropea.

(21)  L-azzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu implimentati mill-Impriża Konġunta kif ippreżentati fil-Pjan ta’ Azzjoni jinkludu: il-promozzjoni ta’ katini ta’ valur ġodda bl-involviment ta’ parteċipanti ġodda; it-tħeġġiġ tal-iżvilupp ulterjuri ta’ strateġiji bijoekonomiċi nazzjonali u reġjonali fost l-Istati Membri tal-UE; il-monitoraġġ u l-analiżi tar-riżultati ta’ proġetti għall-promozzjoni tal-użu tagħhom fi proġetti futuri; iż-żieda sal-ogħla livell possibbli tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji u in natura mill-industrija u l-preżentazzjoni ta’ analiżi dettaljata tal-effettività tar-rappurtar u taċ-ċertifikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura mis-settur privat għall-attivitajiet operazzjonali u dawk addizzjonali, fir-Rapport Annwali tal-Attività.


IT-TWEĠIBA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

B’referenza għan-numri speċifiċi tal-paragrafi tal-osservazzjonijiet tal-Qorti:

27.   

Il-kwistjoni relatata mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li qed jiġu pprovduti biss fil-livell tal-programm ilha magħrufa sew mill-bidu tal-inizjattiva minħabba t-tħassib espress mis-sħab tal-industrija (fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji fil-livell tal-programm li għandu jiġi distribwit f’sejħiet miftuħa għall-proposti). Sabiex jindirizza dan, il-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta BBI, f’Mejju 2016 stabbilixxa task force li kienet tinvolvi membri tal-BIC, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Uffiċċju tal-Programm tal-Impriża Konġunta BBI. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni Ewropea tat bidu għal emenda fir-regolament fundatur tal-BBI sabiex tippermetti lis-sħab privati jipprovdu kontribuzzjonijiet finanzjarji anke fil-livell tal-proġett. Madankollu, peress li l-emenda daħlet fis-seħħ fi Frar 2018 biss, wara l-għeluq ta’ erba’ minn seba’ sejħiet għall-proposti ppjanati sal-2020 (inkluża), ir-riskju li ma jinkisibx l-ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji (fi flus kontanti) sa tmiem il-programm tal-BBI għadu hemm. Għalhekk fl-2018, il-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta BBI ġedded il-mandat tat-task force finanzjarja sabiex tipproponi xenarji differenti sabiex jinkiseb l-ogħla ammont fattibbli.

35.   

L-Impriża Konġunta BBI tiċċara li l-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni ta’ proposti eliġibbli u l-kofinanzjament tagħhom fi ħdan il-limiti ta’ linja baġitarja komuni hija konformi mar-regoli tal-Orizzont 2020 u hija applikata b’mod estensiv fil-programm qafas kollu. L-Impriża Konġunta BBI tieħu nota tar-rakkomandazzjoni espressa mill-Qorti sabiex tqis il-limitazzjoni tan-numru ta’ proposti għal kull suġġett billi tiddefinixxi baġit indikattiv fil-livell tas-suġġett fis-sejħiet għall-proposti. L-Impriża Konġunta BBI se tkompli tqis tali possibbiltà fit-tfassil ta’ sejħiet għall-proposti futuri li għandu jiżgura l-aħjar implimentazzjoni tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka tal-inizjattiva tal-BBI.


14.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 452/18


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

(2018/C 452/03)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI

1-11

19

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta “Clean Sky”

1-2

19

Governanza

3-5

19

Objettivi

6

19

Riżorsi

7-10

19

L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni

11

20

OPINJONI

12-24

20

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

13

20

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

14

20

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

15

21

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

16-18

21

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

19-24

21

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

25-35

22

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

25-26

22

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt l-FP7

27-30

22

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

31-35

22

KONTROLLI INTERNI

36-38

23

Qafas ta’ kontroll intern

36-38

23

KWISTJONIJIET OĦRA

39

23

Mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet minn membri oħra u r-riskju ta’ finanzjament doppju

39

23

INFORMAZZJONI DWAR L-EVALWAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

40

24

ANNESS —

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

25

IR-RISPOSTA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

26

INTRODUZZJONI

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta “Clean Sky”

1.

L-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fl-Ajrunawtika (l-Impriża Konġunta “Clean Sky”), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Diċembru 2007 taħt is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7) għal perjodu ta’ 10 snin, u bdiet topera b’mod awtonomu fis-16 ta’ Novembru 2009 (1). Fis-6 ta’ Mejju 2014, il-Kunsill estenda t-tul ta’ żmien tal-operat tal-Impriża Konġunta għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024 (2).

2.

L-Impriża Konġunta “Clean Sky” hija sħubija pubblika-privata għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-ajrunawtika. Il-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta taħt ir-regolament il-ġdid huma l-Unjoni Ewropea (UE), irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-membri privati li jikkonsistu mill-Mexxejja u l-Assoċjati industrijali tad-Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata (ITDs), tal-Pjattaformi ta’ Dimostrazzjoni ta’ Mezzi tal-Ajru Innovattivi (IADPs) u tal-Oqsma Trasversali (TAs). Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta tikkoopera ma’ “sħab ewlenin” industrijali magħżula permezz ta’ sejħiet miftuħa u kompetittivi (3). Is-sħab kisbu status ta’ membru privat taħt ir-Regolament fundatur tal-Clean Sky 2.

Governanza

3.

L-istruttura ta’ governanza tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” tinkludi l-Bord ta’ Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv, il-Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati u l-Bord Konsultattiv Xjentifiku u Teknoloġiku.

4.

Il-Bord ta’ Tmexxija huwa magħmul minn rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni f’isem l-Unjoni, rappreżentant wieħed ta’ kull Mexxej industrijali, rappreżentant wieħed tal-Assoċjati għal kull ITD, u rappreżentant wieħed tas-sħab ewlenin għal kull ITD u IADP. Il-Bord ta’ Tmexxija huwa l-korp deċiżjonali prinċipali u huwa responsabbli mill-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta u mis-sorveljanza tal-attivitajiet tagħha. Id-Direttur Eżekuttiv huwa responsabbli mill-ġestjoni ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta.

5.

Il-Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati huwa netwerk ta’ rappreżentanti nazzjonali mill-Istati Membri tal-UE u pajjiżi oħra li jipprovdi konsulenza u opinjonijiet dwar l-orjentazzjoni strateġika u l-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta. Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku u Teknoloġiku huwa magħmul minn xjentisti u inġiniera, u jipprovdi konsulenza dwar kwistjonijiet teknoloġiċi, ambjentali u soċjoekonomiċi.

Objettivi

6.

L-objettivi prinċipali tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” huma li ttejjeb b’mod sinifikanti l-impatt ambjentali tat-teknoloġiji ajrunawtiċi u li ssaħħaħ il-kompetittività tal-avjazzjoni Ewropea.

Riżorsi

7.

Il-kontribuzzjoni massima mill-UE għall-ewwel fażi tal-ispejjeż amministrattivi u tal-attivitajiet ta’ riċerka tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” (il-programm “Clean Sky 1”) hija ta’ EUR 800 miljun, u ssir mis-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7) (4). Minn dan l-ammont, massimu ta’ EUR 400 miljun għandhom jiġu allokati lill-Mexxejja tal-ITDs u sa EUR 200 miljun lill-Assoċjati. Il-Mexxejja tal-ITDs u l-Assoċjati għandhom jikkontribwixxu riżorsi li mill-inqas jippareġġjaw il-kontribuzzjoni mill-UE, ħlief dawk li jiġu allokati permezz ta’ sejħiet għal sħab ewlenin. L-ammont li jifdal ta’ mill-inqas EUR 200 miljun irid jiġi allokat lis-sħab li jintgħażlu permezz ta’ sejħiet kompetittivi għal proposti (5).

8.

Il-kontribuzzjoni massima mill-UE għat-tieni fażi tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta (il-programm Clean Sky 2) hija ta’ EUR 1 755 miljun, li għandha tiġi ffinanzjata mill-programm Orizzont 2020 (6). Il-membri privati tal-Impriża Konġunta huma mistennija li jikkontribwixxu riżorsi ta’ mill-inqas EUR 2 193,75 miljun matul il-ħajja tal-Impriża Konġunta (7). Minn dan l-ammont, il-membri privati jridu jġarrbu spejjeż ta’ mill-inqas EUR 965,25 miljun għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet addizzjonali li ma jkunux fil-pjan ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” (8).

9.

L-ispejjeż amministrattivi għat-tieni fażi tal-programm Clean Sky 2 huma limitati għal EUR 78 miljun, li għandhom ikunu koperti permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji li jinqasmu b’mod ugwali u fuq bażi annwali bejn l-UE u l-membri privati (9).

10.

Fl-2017, il-baġit finali tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 kien ta’ EUR 243,5 miljun (2016: EUR 287,8 miljun). Fil-31 ta’ Diċembru 2017, l-Impriża Konġunta kellha 41 membru tal-persunal impjegati magħha (2016: 41) (10).

L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni

11.

F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni kkompletat l-evalwazzjoni finali tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta taħt l-FP7 u l-evalwazzjoni interim tal-attivitajiet tagħha taħt Orizzont 2020. Dawn ġew segwiti minn pjanijiet ta’ azzjoni rispettivi mħejjija mill-Impriża Konġunta biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet li saru fl-evalwazzjonijiet. Din id-darba, aħna inkludejna taqsima li hija relatata mal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-Impriża Konġunta b’rispons għall-evalwazzjonijiet, u li hija intenzjonata biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma tiffurmax parti mill-opinjoni jew mill-osservazzjonijiet tal-awditjar tagħna.

OPINJONI

12.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet tal-Impriża Konġunta, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (11) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (12) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

13.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta’ Diċembru 2017, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. Dawn huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

15.

Fl-opinjoni tagħna, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

16.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-maniġment tal-Impriża Konġunta jerfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet.

17.

Fit-tħejjija tal-kontijiet, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-Impriża Konġunta li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga, kif applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat.

18.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-entità.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

19.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-Impriża Konġunta jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew lil awtoritajiet ta’ kwittanza rispettivi oħra b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li awditu dejjem se jaqbad dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet.

20.

Awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqies il-kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi, iżda mhux bl-iskop li tingħata opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll intern. Awditu jinkludi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi li jsiru mill-maniġment, u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

21.

Għad-dħul, aħna nivverifikaw is-sussidju li jiġi riċevut mingħand il-Kummissjoni u nivvalutaw il-proċeduri tal-Impriża Konġunta għall-ġbir ta’ tariffi u ta’ introjtu ieħor.

22.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti (inklużi dawk li jkunu saru għax-xiri ta’ assi) minbarra pagamenti bil-quddiem fil-punt meta jsiru.

23.

Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport u l-Opinjoni, aħna qisna x-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet tal-Impriża Konġunta kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (13).

24.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-QEA.

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

25.

Il-baġit finali għall-2017 li kien disponibbli għall-implimentazzjoni tal-programmi “Clean Sky 1” u Clean Sky 2 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 313,4 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 243,5 miljun.

26.

Ir-rati ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienu għoljin f’rata ta’ 99,6 % u 98,5 %, rispettivament.

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt l-FP7

27.

Mill-ammont ta’ EUR 800 miljun f’fondi taħt l-FP7 li ġew allokati għall-Impriża Konġunta “Clean Sky” għall-implimentazzjoni tal-programm “Clean Sky 1”, l-UE kienet ikkontribwiet total ta’ EUR 800 miljun fi flus kontanti, sa tmiem l-2017.

28.

Il-membri privati kienu impenjati li jikkontribwixxu mill-inqas EUR 600 miljun għall-attivitajiet tal-programm “Clean Sky 1” tal-Impriża Konġunta. Dan il-programm ingħalaq fl-2017 u fi tmiem is-sena il-Bord ta’ Tmexxija kien ivvalida kontribuzzjonijiet in natura minn membri privati li ammontaw għal EUR 594,1 miljun. Barra minn hekk, il-membri privati għamlu EUR 14,9 miljun f’kontribuzzjonijiet fi flus kontanti għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta.

29.

Konsegwentement, fi tmiem l-2017, il-kontribuzzjonijiet totali mill-membri privati għall-programm “Clean Sky 1” ammontaw għal EUR 609 miljun, filwaqt li l-kontribuzzjonijiet kumulattivi fi flus kontanti mill-UE ammontaw għal EUR 800 miljun.

30.

Mill-baġit totali ta’ EUR 817,2 miljun għall-attivitajiet operazzjonali u amministrattivi tal-programm “Clean Sky 1” (14), din l-Impriża Konġunta kienet għamlet impenji ta’ EUR 815,2 miljun u pagamenti ta’ EUR 815,1 miljun (99,7 % tal-baġit disponibbli), sa tmiem l-2017.

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

31.

Mill-ammont massimu ta’ EUR 1 755 miljun f’fondi taħt Orizzont 2020 li ġew allokati għall-Impriża Konġunta “Clean Sky” għall-implimentazzjoni tal-programm Clean Sky 2, l-UE kienet ikkontribwiet total ta’ EUR 484,8 miljun fi flus kontanti, sa tmiem l-2017.

32.

Il-membri privati mhumiex obbligati jikkontribwixxu ammont minimu in natura u fi flus kontanti għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2. Fi tmiem l-2017, il-membri privati kienu rrappurtaw kontribuzzjonijiet in natura ta’ EUR 265,6 miljun, li minnhom EUR 54 miljun kienu ġew ivvalidati mill-Bord ta’ Tmexxija. Barra minn hekk, il-membri privati kkontribwew EUR 9,5 miljun fi flus kontanti għall-ispiża amministrattiva tal-Impriża Konġunta.

33.

Mill-ammont ta’ mill-inqas EUR 965,25 miljun f’kontribuzzjonijiet mill-membri privati għal attivitajiet addizzjonali li ma jkunux fil-programm ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta, sa tmiem l-2017, il-membri privati kienu diġà rrappurtaw EUR 594 miljun, li minnhom EUR 423 miljun kienu ġew iċċertifikati. Peress li ma għandna l-ebda dritt li nawditjaw il-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri għal attivitajiet addizzjonali, aħna ma nistgħux nipprovdu opinjoni dwar in-natura, il-kwalità u l-kwantità tagħhom (ara wkoll il-paragrafu 39).

34.

Konsegwentement, sa tmiem l-2017, il-kontribuzzjonijiet totali mill-membri tal-industrija ammontaw għal EUR 477 miljun (li minnhom 89 % huma kontribuzzjonijiet għal attivitajiet addizzjonali), filwaqt li l-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti kumulattivi mill-UE ammontaw għal EUR 484,8 miljun.

35.

Mill-baġit massimu ta’ EUR 1 794 miljun (15) għall-attivitajiet operazzjonali u amministrattivi tal-Impriża Konġunta, din kienet għamlet impenji ta’ EUR 1 009,6 miljun u pagamenti ta’ EUR 493 miljun, sa tmiem l-2017.

KONTROLLI INTERNI

Qafas ta’ kontroll intern

36.

L-Impriża Konġunta “Clean Sky” stabbiliet proċeduri ta’ kontroll ex ante bbażati fuq analiżijiet dokumentarji finanzjarji u operazzjonali. Għal pagamenti interim u finali taħt l-FP7, l-Impriża Konġunta twettaq awditi ex post għand il-benefiċjarji, filwaqt li għal klejms għall-ispejjeż ta’ proġetti taħt Orizzont 2020, is-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-awditi ex post. Ir-rati tal-iżball residwu għall-awditi ex post li ġew irrappurtati mill-Impriża Konġunta fi tmiem l-2017 kienu ta’ 1,40 % għall-proġetti taħt l-FP7 u 1,6 % għall-proġetti taħt il-programm Orizzont 2020 (16).

37.

Ibbażat fuq valutazzjoni tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta, fuq ittestjar sostantiv tal-operazzjonijiet ta’ dħul, ta’ pagamenti, ta’ għotjiet u ta’ akkwist, kif ukoll fuq analiżi ta’ kampjun ta’ awditi ex post finalizzati, inklużi ta’ rkupri li rriżultaw mill-iżbalji li nqabdu, ir-riżultati tal-awditjar ipprovdewlna aċċertament raġonevoli li r-rata kumplessiva tal-iżball residwu għall-Impriża Konġunta hija taħt il-livell ta’ materjalità.

38.

Fi tmiem l-2017, kienu għadhom ma sarux l-iżviluppi speċifiċi meħtieġa fl-għodod komuni tal-Kummissjoni għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-għotjiet, taħt il-programm Orizzont 2020, biex dawn ikunu jistgħu jipproċessaw il-kontribuzzjonijiet in natura tal-Impriża Konġunta.

KWISTJONIJIET OĦRA

Mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet minn membri oħra u r-riskju ta’ finanzjament doppju

39.

Wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li timmobilizza l-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-membri tal-industrija fil-qasam tal-attivitajiet tagħha (17). Il-fattur minimu ta’ mobilizzazzjoni li għandu jinkiseb kemm għall-attivitajiet operazzjonali kif ukoll għal dawk addizzjonali jammonta għal 1,25 (18). Madankollu, ir-Regolament fundatur tal-Clean Sky 2 ma jobbligax lill-membri tal-industrija biex jagħmlu ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta (19). Konsegwentement, ma jistax jiġi ddeterminat fattur minimu ta’ mobilizzazzjoni għall-kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali. Peress li ma għandna l-ebda dritt li nawditjaw il-kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali, aħna ma nistgħux nipprovdu opinjoni dwar in-natura, il-kwalità jew il-kwantità ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (20).

INFORMAZZJONI DWAR L-EVALWAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

40.

L-Evalwazzjoni Finali tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” li l-Kummissjoni wettqet fil-kuntest tal-FP7 kienet tkopri l-perjodu bejn l-2008 u l-2016 (21), filwaqt li l-Evalwazzjoni Interim tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 fil-kuntest tal-H2020 kienet tkopri l-perjodu mill-2014 sal-2016 (22). L-evalwazzjonijiet twettqu bl-assistenza ta’ esperti indipendenti kif previst fir-Regolamenti tal-Kunsill dwar “Clean Sky” (23), u koprew il-prestazzjoni tal-Impriża Konġunta f’termini ta’ rilevanza, effiċjenza, effettività, koerenza, u valur miżjud tal-UE, filwaqt li ttieħdu wkoll inkunsiderazzjoni t-trasparenza u l-kwalità tar-riċerka. Il-Kummissjoni qieset ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet fir-rapport li bagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Ottubru 2017 (24).

41.

B’rispons għar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-evalwaturi (25), l-Impriża Konġunta ħejjiet Pjan ta’ Azzjoni li ġie approvat mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta f’April 2018. Il-pjan ta’ azzjoni jinkludi sett wiesa’ ta’ azzjonijiet li jridu jiġu implimentati mill-Impriża Konġunta (26). Għal xi wħud minnhom diġà nbdew ċerti attivitajiet (27), filwaqt li l-bqija huma ppjanati li jiġu implimentati fl-2018, jew fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss (28).

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Neven MATES, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta “Clean Sky” (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 77).

(3)  Fl-2008, 16-il Mexxej u 66 Assoċjat ingħaqdu mal-ewwel fażi tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” (il-programm “Clean Sky 1”). F’konformità mal-Artikolu 4(6) tal-Istatuti annessi mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014, l-Assoċjati taħt il-programm “Clean Sky 1” iżommu l-istatus tagħhom sal-ikkompletar tal-attivitajiet ta’ riċerka tagħhom iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2017. Fl-2017, wara l-ikkompletar tar-raba’ Sejħa għal Sħab Ewlenin li tnediet fl-2016, l-Impriża Konġunta għalqet il-proċedura tal-għażla u tal-adeżjoni għas-sħubija b’total ta’ aktar minn 230 entità ġuridika involuti fil-programm Clean Sky 2. Din tinkludi 16-il Mexxej flimkien mal-entitajiet assoċjati u l-partijiet terzi relatati tagħhom, kif ukoll is-Sħab Ewlenin magħżula flimkien mal-entitajiet assoċjati u l-partijiet terzi relatati tagħhom.

(4)  L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 71/2008.

(5)  L-Artikolu 13(1) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” — l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 71/2008.

(6)  L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 558/2014.

(7)  L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 558/2014.

(8)  Kif previst fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 558/2014, attivitajiet addizzjonali huma attivitajiet li ma jkunux fil-pjan ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta iżda li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta “Clean Sky”. F’konformità mal-Artikolu 4(4) tal-istess Regolament, l-ispiża tal-attivitajiet addizzjonali trid tiġi ċċertifikata minn awditur indipendenti estern u mhijiex suġġetta għall-awditjar mill-Impriża Konġunta, mill-QEA jew minn kwalunkwe korp tal-UE.

(9)  L-Artikolu 15(2) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 — Anness I tar-Regolament (UE) Nru 558/2014.

(10)  Aktar informazzjoni dwar l-Impriża Konġunta u l-attivitajiet tagħha hija disponibbli fuq is-sit web tagħha: http://www.cleansky.eu

(11)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(12)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu r-rapporti li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha u n-noti ta’ spjegazzjoni.

(13)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(14)  It-total ta’ EUR 817,2 miljun huwa magħmul mill-kontribuzzjoni ta’ EUR 800 miljun fi flus kontanti mill-UE ffinanzjata mill-programm FP7, kontribuzzjoni ta’ EUR 14,9 miljun fi flus kontanti mill-membri privati biex tkopri l-ispejjeż amministrattivi u EUR 2,3 miljun f’interessi riċevuti fuq il-prefinanzjament tal-fondi taħt l-FP7.

(15)  It-total huwa magħmul mill-kontribuzzjoni ta’ EUR 1 755 miljun fi flus kontanti mill-UE ffinanzjata mill-programm Orizzont 2020 u minn kontribuzzjoni ta’ EUR 39 miljun fi flus kontanti li saret mill-membri privati għall-ispejjeż amministrattivi.

(16)  Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2017 tal-Impriża Konġunta “Clean Sky”, il-paġni 103-104.

(17)  Il-Premessa 4 tar-Regolament (UE) Nru 558/2014 tiddikjara li jenħtieġ li din is-sħubija tkun ibbażata fuq kontribuzzjoni bilanċjata mis-sħab kollha.

(18)  It-total tal-ammont minimu tal-kontribuzzjoni mill-membri tal-industrija u tar-riċerka għall-attivitajiet operazzjonali u dawk addizzjonali tal-Impriża Konġunta (EUR 2 193,75 miljun) diviż bil-kontribuzzjoni massima fi flus kontanti mill-UE riżervata għall-membri tal-industrija u tar-riċerka (EUR 1 755 miljun).

(19)  L-Artikolu 4(1) u 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 558/2014 jispeċifika li l-membri privati jridu jagħmlu kontribuzzjonijiet totali ta’ mill-inqas EUR 2 193,75 miljun matul il-ħajja tal-Impriża Konġunta, li minnhom mill-inqas EUR 965,25 miljun iridu jikkonsistu minn spejjeż imġarrba minnhom fl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet addizzjonali li ma jkunux fil-pjan ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta.

(20)  Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 558/2014 l-ispiża tal-attivitajiet addizzjonali tiġi ċċertifikata minn awditur indipendenti estern maħtur mill-Impriża Konġunta. Madankollu, l-ispiża għal dawn l-attivitajiet ma għandhiex tkun awditjata mill-Impriża Konġunta jew minn kwalunkwe korp tal-Unjoni.

(21)  Evalwazzjoni Finali tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” li topera taħt l-FP7: https://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/cs.pdf

(22)  Evalwazzjoni Interim tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 (2014-2016) li topera taħt Orizzont 2020: https://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/cs2.pdf

(23)  Evalwazzjonijiet statutorji tal-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 dwar l-Impriża Konġunta “Clean Sky”, u l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky 2.

(24)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat: Interim Evaluation of the Joint Undertakings operating under Horizon 2020 (Evalwazzjoni Interim tal-Impriżi Konġunti li joperaw taħt Orizzont 2020) (SWD(2017) 339 final).

(25)  Ir-rakkomadazzjonijiet li saru mill-evalwaturi huma relatati mal-oqsma li ġejjin: ix-xerqien u l-ottimizzazzjoni tal-Qafas tal-UE għal Sħubiji Pubbliċi-Privati fil-qasam tal-ajrunawtika, inkluż il-Ftehim ta’ Delega mal-Kummissjoni; it-tnedija ta’ inqas suġġetti preskrittivi f’sejħiet futuri għal proposti; il-ħtieġa li jiġi stimulat subkuntrattar biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs; il-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza u l-għarfien dwar il-Programm “Clean Sky”; il-ħtieġa li jittejjeb l-involviment ta’ teknoloġiji alternattivi ta’ riċerka fi ħdan l-attivitajiet tal-“Clean Sky”; li jittejbu s-sinerġiji mal-Programmi ta’ riċerka nazzjonali, u li jiġi promoss l-impatt ekonomiku u l-parteċipazzjoni tal-akkademji. Flimkien ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, fl-2017, is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni wettaq awditu dwar il-qafas ta’ prestazzjoni tal-Impriża Konġunta, u rrakkomanda li l-Clean Sky 2 tikkompleta l-qafas ta’ prestazzjoni tagħha billi tiddefinixxi l-kriterji u l-indikaturi relatati, tikkwantifika miri għall-objettivi tal-kompetittività/industrijali tal-Impriża Konġunta, u li tiżviluppa metodoloġija xierqa għall-kejl tal-progress miksub bi tqabbil mal-objettivi.

(26)  L-azzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu implimentati matul l-2018 b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwatur jinkludu: koordinazzjoni aħjar mal-Programmi ta’ Riċerka Nazzjonali billi jsir titjib fl-effettività tal-Gruppi ta’ Rappreżentanti tal-Istati; iż-żieda fil-viżibbiltà tal-viżjoni strateġika tal-Impriża Konġunta bl-iżvilupp ta’ pjan għal sessjonijiet ta’ ħidma trasversali ma’ setturi oħra dwar teknoloġiji differenti; sett ta’ azzjonijiet biex tiġi indirizzata r-rakkomandazzjoni relatata ma’ suġġetti inqas preskrittivi fl-attivitajiet tal-Clean Sky 2; il-promozzjoni tal-impatt ekonomiku tal-attivitajiet billi titwettaq analiżi tar-riżultati tal-proġetti u l-isfruttamenti ippjanati tagħhom; it-tnedija mill-ġdid tal-Grupp Akkademiku tal-“Clean Sky” biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-akkademji.

(27)  L-attivitajiet diġà jinkludu: is-sostituzzjoni tal-iskema tal-Membri Assoċjati taħt “Clean Sky 1” bl-iskema tas-Sħab Ewlenin fil-Clean Sky 2 sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni; it-tiġdid tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku li jġib kompetenzi ġodda dwar teknoloġiji emerġenti maqbula mill-Bord ta’ Tmexxija f’Diċembru 2017; analiżi biex jiġi identifikat fejn il-mekkaniżmu ta’ subkuntrattar ikun jista’ jiġi implimentat biex tiżdied il-parteċipazzjoni u l-effiċjenza tal-SMEs filwaqt li jiġi rrispettat il-qafas legali u l-prinċipji tat-trasparenza; analiżi preliminari fir-rigward tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni u ta’ deroga dwar il-Ftehim ta’ Delega mal-Kummissjoni u r-Regoli għall-Parteċipazzjoni fid-dawl tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss; l-ewwel analiżi mill-Gruppi ta’ Rappreżentanti tal-Istati dwar il-finanzjament futur għall-Qafas għar-Riċerka għal attivitajiet ajrunawtiċi li twettqu f’Diċembru 2017; laqgħat regolari mal-Impriżi Konġunti rilevanti l-oħra (SESAR, Shift2Rail, FCH2 u ECSEL); Rapport dwar il-kisbiet teknoloġiċi kollha tal-Programm “Clean Sky 1” (Outcome of the first European Aeronautics Research Partnership 2008-2017 (Eżitu tal-ewwel Sħubija Ewropea għar-Riċerka dwar l-Ajrunawtika għall-perjodu 2008-2017)).

(28)  L-azzjonijiet meqjusa għal analiżi ulterjuri fid-dawl tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss jikkonċernaw primarjament il-qafas legali u operattiv tal-Impriża Konġunta, inklużi l-miżuri ta’ simplifikazzjoni, u l-ambitu tal-attivitajiet ta’ riċerka li għandhom jiġu mmaniġġjati mill-Impriża Konġunta.


ANNESS

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

 

Ġestjoni tal-għotjiet taħt Orizzont 2020

 

2016

Fi tmiem l-2016 — it-tielet sena ta’ implimentazzjoni tal-programm Orizzont 2020 — l-Impriża Konġunta kienet ikkompletat parzjalment biss l-integrazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll tagħha mal-għodod komuni tal-Kummissjoni għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-għotjiet taħt il-programm Orizzont 2020.

Ikkompletata

 

Monitoraġġ u kklerjar ta’ prefinanzjament

 

2016

Fi tmiem l-2016, l-Impriża Konġunta kienet għadha ma kklerjat ebda wieħed mill-pagamenti ta’ prefinanzjament (EUR 176 miljun) li kienu saru lill-membri industrijali tagħha għal proġetti taħt ftehimiet ta’ għotja relatati mal-programm Orizzont 2020. Jekk il-pagamenti ta’ prefinanzjament tagħha jiġu kklerjati regolarment bi tqabbil mad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż irrappurtati mill-membri, dan inaqqas l-esponiment tal-Impriża Konġunta għal riskju finanzjarju.

Ikkompletata


IR-RISPOSTA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

L-Impriża Konġunta ħadet nota tar-rapport tal-Qorti.


14.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 452/27


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

(2018/C 452/04)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI

1-10

28

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta ECSEL

1-2

28

Governanza

3-5

28

Objettivi

6

28

Riżorsi

7-9

28

L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni

10

29

OPINJONI

11-28

29

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

12

29

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

13

29

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

14-18

29

Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

19

30

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

20-22

30

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

23-28

31

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

29-35

31

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

29

31

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt l-FP7

30

31

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

31-35

32

KONTROLLI INTERNI

36-37

32

Proċeduri amministrattivi

36-37

32

KWISTJONIJIET OĦRA

38

32

Mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija

38

32

INFORMAZZJONI DWAR L-EVALWAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

39-40

33

ANNESS —

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

34

IR-RISPOSTA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

35

INTRODUZZJONI

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta ECSEL

1.

L-Impriża Konġunta Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea (ECSEL), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Mejju 2014 (1) għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024. L-Impriża Konġunta ECSEL ssostitwiet u kienet is-suċċessur tal-Impriżi Konġunti ENIAC u ARTEMIS, li ngħalqu fis-26 ta’ Ġunju 2014. L-Impriża Konġunta ECSEL bdiet topera b’mod awtonomu fis-27 ta’ Ġunju 2014.

2.

L-Impriża Konġunta ECSEL hija sħubija pubblika-privata fir-riċerka tan-nanoelettronika u tas-sistemi informatiċi inkorporati. Il-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea (UE), irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Parteċipanti fl-ECSEL (2), u tliet assoċjazzjonijiet tal-industrija (AENEAS, ARTEMISIA u EPoSS) li jirrappreżentaw kumpaniji u organizzazzjonijiet ta’ riċerka attivi fl-oqsma tas-sistemi inkorporati u ċiberfiżiċi, l-integrazzjoni tas-sistemi intelliġenti u l-mikro u n-nanoelettronika.

Governanza

3.

L-istruttura ta’ governanza tal-Impriża Konġunta ECSEL tinkludi l-Bord ta’ Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv, il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, u l-Bord tal-Membri Privati.

4.

Il-Bord ta’ Tmexxija huwa magħmul minn rappreżentanti tal-membri tal-Impriża Konġunta. Huwa għandu r-responsabbiltà ġenerali għall-orjentazzjoni strateġika u l-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha. Id-Direttur Eżekuttiv huwa responsabbli għat-tmexxija ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta.

5.

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi huwa magħmul minn rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni u wieħed għal kull Stat Parteċipanti fl-ECSEL. Huwa jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni ta’ finanzjament pubbliku għall-proposti magħżula. Il-Bord tal-Membri Privati huwa magħmul minn rappreżentanti tal-membri privati tal-Impriża Konġunta ECSEL u jistabbilixxi l-abbozz ta’ aġenda strateġika ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Impriża Konġunta.

Objettivi

6.

L-objettiv prinċipali tal-Impriża Konġunta ECSEL huwa li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ industrija ta’ komponenti u sistemi elettroniċi b’saħħitha u kompetittiva fuq livell globali fl-UE. Hija għandha wkoll l-għan li tiżgura d-disponibbiltà ta’ komponenti u sistemi elettroniċi għas-swieq ewlenin u għall-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà, u li tiżgura l-konservazzjoni u l-iżvilupp tal-kapaċità ta’ manifattura tas-semikondutturi u tas-sistemi intelliġenti fl-Ewropa. L-Impriża Konġunta tfittex li tallinja l-istrateġiji bejn l-Istati Membri biex tattira l-investiment privat u biex tikkontribwixxi għall-effettività tal-appoġġ pubbliku billi tevita d-duplikazzjoni bla bżonn u l-frammentazzjoni tal-isforzi, filwaqt li tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ atturi involuti fir-riċerka u l-innovazzjoni rilevanti.

Riżorsi

7.

Il-kontribuzzjoni massima mill-UE għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta ECSEL hija ta’ EUR 1 185 miljun, li għandha tiġi ffinanzjata mill-programm Orizzont 2020 (3). L-Istati Parteċipanti fl-ECSEL huma mistennija jagħtu kontribuzzjoni ta’ mill-inqas ammont simili (4). Il-kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija jridu jkunu mill-inqas EUR 1 657,5 miljun (5).

8.

L-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta ECSEL għandhom ikunu koperti mill-kontribuzzjonijiet tal-membri fi flus kontanti, kif ġej: ammont massimu ta’ EUR 15,3 miljun mill-UE u 1 % tas-somma tal-ispejjeż totali tal-proġetti kollha mill-membri tal-industrija (mill-inqas EUR 19,7 miljun iżda mhux aktar minn EUR 48 miljun) (6).

9.

Fl-2017, il-baġit finali tal-Impriża Konġunta ECSEL kien ta’ EUR 290,1 miljun (2016: EUR 244 miljun). Fil-31 ta’ Diċembru 2017, l-Impriża Konġunta kellha 29 membru tal-persunal impjegati magħha (2016: 29) (7).

L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni

10.

F’Ġunju 2017 il-Kummissjoni kkompletat l-evalwazzjoni finali tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta taħt l-FP7 u l-evalwazzjoni interim tal-attivitajiet tagħha taħt Orizzont 2020. Dawn ġew segwiti minn pjanijiet ta’ azzjoni rispettivi mħejjija mill-Impriża Konġunta biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet li saru fl-evalwazzjonijiet. Din id-darba, aħna inkludejna taqsima li hija relatata mal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-Impriża Konġunta b’rispons għall-evalwazzjonijiet, u li hija intenzjonata biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma tiffurmax parti mill-opinjoni jew mill-osservazzjonijiet tal-awditjar tagħna.

OPINJONI

11.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet tal-Impriża Konġunta, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (8) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (9) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

12.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta’ Diċembru 2017, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. Dawn huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

13.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

14.

L-Impriża Konġunta ECSEL ħadet ir-responsabbiltà għall-proġetti taħt l-FP7 tal-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC. Il-pagamenti li saru għal dawn il-proġetti mill-Impriża Konġunta ECSEL fl-2017, u li jikkorrispondu ma’ ċertifikati ta’ aċċettazzjoni tal-ispejjeż maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ finanzjament (NFAs) tal-Istati Parteċipanti fl-ECSEL, ammontaw għal EUR 76,4 miljun (2016: EUR 118-il miljun), li jirrappreżentaw 32 % (2016: 54 %) tal-pagamenti operazzjonali totali li saru mill- Impriża Konġunta fl-2017.

15.

Il-ftehimiet amministrattivi konklużi mill-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC mal-NFAs komplew japplikaw minn meta dawk l-Impriżi Konġunti ngħaqdu flimkien biex jiffurmaw l-Impriża Konġunta ECSEL. Skont dawn il-ftehimiet, l-NFAs iwettqu l-awditi ex post tal-pagamenti għall-proġetti taħt l-FP7 f’isem l-Impriża Konġunta. L-istrateġiji tal-awditjar ex post tal-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC serrħu ħafna fuq l-NFAs għall-awditjar tal-klejms għall-ispejjeż tal-proġetti (10).

16.

L-Impriża Konġunta ECSEL ħadet passi biex tivvaluta l-implimentazzjoni tal-awditi ex post imwettqa mill-NFAs u kisbet dikjarazzjonijiet bil-miktub mill-NFAs li jistqarru li l-implimentazzjoni tal-proċeduri nazzjonali tagħhom tipprovdi aċċertament raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet. Madankollu, minħabba l-varjazzjonijiet sinifikanti fil-metodoloġiji u fil-proċeduri użati mill-NFAs mhuwiex probabbli li l-Impriża Konġunta ECSEL tikkalkola rata unika ta’ żball ipponderata u affidabbli jew rata tal-iżball residwu.

17.

Għaldaqstant, il-Qorti mhijiex f’pożizzjoni li tikkonkludi jekk l-awditi ex post humiex qed jiffunzjonaw b’mod effettiv u jekk dan il-kontroll ewlieni jipprovdix aċċertament suffiċjenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-proġetti taħt l-FP7 (11).

18.

Din il-kwistjoni ta’ varjazzjonijiet fil-metodoloġiji u fil-proċeduri użati mill-NFAs mhijiex rilevanti għall-implimentazzjoni tal-proġetti taħt il-programm Orizzont 2020, peress li s-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-awditjar ex post (12). Fl-2017, l-Impriża Konġunta—flimkien mas-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tad-DĠ RTD—niedet l-ewwel awditu ex post ta’ kampjun aleatorju tal-klejms għall-ispejjeż interim relatati mal-programm Orizzont 2020 li, madankollu, ir-riżultati tiegħu mhumiex se jiġu rrappurtati ħlief fir-Rapport Annwali tal-Attività 2018 tal-Impriża Konġunta.

Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

19.

Fl-opinjoni tagħna, bl-eċċezzjoni tal-effetti possibbli tal-kwistjonijiet deskritti fil-paragrafi 14 sa 18, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

20.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-maniġment tal-Impriża Konġunta jerfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet.

21.

Fit-tħejjija tal-kontijiet, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-Impriża Konġunta li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga, kif applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat.

22.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-entità.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

23.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-Impriża Konġunta jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew lil awtoritajiet ta’ kwittanza rispettivi oħra b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li awditu dejjem se jaqbad dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet.

24.

Awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqies il-kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi, iżda mhux bl-iskop li tingħata opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll intern. Awditu jinkludi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi li jsiru mill-maniġment, u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

25.

Għad-dħul, aħna nivverifikaw is-sussidju li jiġi riċevut mingħand il-Kummissjoni u nivvalutaw il-proċeduri tal-Impriża Konġunta għall-ġbir ta’ tariffi u ta’ introjtu ieħor.

26.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti (inklużi dawk li jkunu saru għax-xiri ta’ assi) fil-punt meta jsiru.

27.

Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport u l-Opinjoni, aħna qisna x-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet tal-Impriża Konġunta kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (13).

28.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-QEA.

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

29.

Il-baġit finali għall-2017 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 183,9 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 290,1 miljun. Ir-rati ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienu ta’ 98 % u 83 %, rispettivament.

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt l-FP7

30.

Saż-żmien meta ngħalqu f’Ġunju 2014, l-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC kienu għamlu impenji ta’ EUR 623 miljun (EUR 181 miljun għall-ARTEMIS u EUR 442 miljun għall-ENIAC) għal attivitajiet operazzjonali li kellhom jiġu ffinanzjati taħt l-FP7. Il-pagamenti relatati li ġew irreġistrati fil-kontijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL ammontaw għal EUR 488 miljun (EUR 148 miljun għall-ARTEMIS u EUR 340 miljun għall-ENIAC) sa tmiem l-2017.

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

31.

Mill-ammont massimu ta’ EUR 1 185 miljun f’fondi taħt Orizzont 2020 li ġew allokati għall-Impriża Konġunta ECSEL tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħha, l-UE kienet ikkontribwiet total ta’ EUR 377 miljun fi flus kontanti, sa tmiem l-2017.

32.

It-28 Stat Parteċipant fl-ECSEL huma meħtieġa jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ mill-inqas EUR 1 170 miljun għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta ECSEL. Fi tmiem l-2017, l-Istati Parteċipanti li ħadu sehem fis-sejħiet għal proposti tal-2014, l-2015 u l-2016 – 19, 21, u 24 Stat rispettivament – kienu għamlu impenji li ammontaw għal EUR 404 miljun u pagamenti ta’ EUR 150,5 miljun (13 % tat-total tal-kontribuzzjonijiet meħtieġa). Minkejja l-istadju bikri ta’ implimentazzjoni tal-proġetti taħt Orizzont 2020, il-livell apparentament baxx ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri huwa relatat mal-fatt li xi Stati Parteċipanti ma jirrikonoxxux u ma jirrappurtawx l-ispejjeż qabel it-tmiem tal-proġetti li huma jappoġġaw.

33.

Mill-kontribuzzjonijiet ta’ EUR 1 657,5 miljun li kellhom isiru mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta, fi tmiem l-2017, din stmat li l-membri kienu għamlu kontribuzzjonijiet in natura ta’ EUR 421 miljun.

34.

Konsegwentement, sa tmiem l-2017, il-kontribuzzjonijiet totali mill-membri tal-industrija ammontaw għal EUR 421 miljun, filwaqt li l-kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-UE ammontat għal EUR 377 miljun.

35.

Sa tmiem l-2017, mill-baġit massimu ta’ EUR 1 204,7 miljun (14) għall-attivitajiet operazzjonali u amministrattivi tal-Impriża Konġunta ECSEL, din kienet għamlet impenji ta’ EUR 455 miljun u pagamenti ta’ EUR 314-il miljun, li fil-biċċa l-kbira kienu pagamenti ta’ prefinanzjament għall-ewwel grupp ta’ proġetti taħt Orizzont 2020.

KONTROLLI INTERNI

Proċeduri amministrattivi

36.

Fl-2017, aħna osservajna nuqqasijiet sinifikanti fil-ġestjoni tal-proċeduri ta’ akkwist għas-servizzi amministrattivi (eż. għażla ta’ proċeduri ta’ akkwist mhux xierqa, definizzjoni inkompleta tas-servizzi li kellhom jiġu pprovduti, iffirmar tardiv tal-emendi).

37.

Barra minn hekk, fl-2017 l-Impriża Konġunta ma kinitx iddokumentat tajjeb, fir-reġistru tagħha tal-eċċeżżjonijiet, każijiet fejn il-maniġment kien evita l-kontrolli jew ma kienx mexa mal-proċessi u l-proċeduri stabbiliti. Din is-sitwazzjoni taffettwa l-kapaċità tal-maniġment li jiżgura l-effettività tal-proċessi ta’ kontroll intern u li jimmitiga malajr in-nuqqasijiet proċedurali.

KWISTJONIJIET OĦRA

Mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija

38.

Wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li timmobilizza l-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-membri tal-industrija fil-qasam tal-attivitajiet tagħha. Il-fattur minimu ta’ mobilizzazzjoni li għandu jinkiseb skont ir-Regolament fundatur tal-Impriża Konġunta huwa ta’ 1,42 (15). Jekk il-finanzjament pubbliku kollu – kemm dak li jkun ġej mill-baġit ta’ Orizzont 2020 kif ukoll dak mill-Istati Parteċipanti—jitqies flimkien, il-fattur minimu ta’ mobilizzazzjoni huwa ta’ 0,7 (16).

INFORMAZZJONI DWAR L-EVALWAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

39.

L-Evalwazzjoni Finali tal-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC li l-Kummissjoni wettqet fil-kuntest tal-FP7 kienet tkopri l-perjodu bejn l-2008 u l-2013 (17), filwaqt li l-Evalwazzjoni Interim tal-Impriża Konġunta ECSEL fil-kuntest tal-H2020 kienet tkopri l-perjodu mill-2014 sal-2016 (18). L-evalwazzjonijiet twettqu bl-assistenza ta’ esperti indipendenti kif previst fir-Regolamenti tal-Kunsill dwar l-Impriżi Konġunti (19), u koprew il-prestazzjoni tal-Impriżi Konġunti f’termini ta’ rilevanza, effiċjenza, effettività, koerenza, u valur miżjud tal-UE, filwaqt li ttieħdu wkoll inkunsiderazzjoni t-trasparenza u l-kwalità tar-riċerka. Il-Kummissjoni qieset ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet fir-rapport li bagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Ottubru 2017 (20).

40.

B’rispons għar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-evalwaturi (21), l-Impriża Konġunta ħejjiet Pjan ta’ Azzjoni li ġie adottat mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta ECSEL f’April 2018. Il-pjan ta’ azzjoni jinkludi sett wiesa’ ta’ azzjonijiet li jridu jiġu implimentati mill-Impriża Konġunta (22). Għal xi wħud minnhom diġà nbdew ċerti attivitajiet (23), il-maġġoranza tagħhom huma mistennija li jiġu implimentati fl-2018 u fl-2019, filwaqt li xi wħud minnhom tqiesu li ma jaqgħux fl-ambitu tal-Impriża Konġunta ECSEL (24).

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Neven MATES, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152).

(2)  L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Iżrael, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

(3)  L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 561/2014.

(4)  L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 561/2014.

(5)  L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 561/2014.

(6)  L-Artikolu 16(2) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta ECSEL (l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 561/2014). F’konformità mal-Artikolu 19 tal-istess Regolament, il-kontribuzzjonijiet addizzjonali li ġejjin għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta ECSEL tħallsu tul il-perjodu 2014-2017 biex jitlestew l-azzjonijiet imnedija skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ENIAC (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21) u (KE) Nru 74/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar it-twaqqif tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għall-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f’Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52): (a) EUR 2 050 000 mill-UE; (b) EUR 1 430 000 mill-Assoċjazzjoni AENEAS; (c) EUR 975 000 mill-Assoċjazzjoni ARTEMISIA.

(7)  Aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta hija disponibbli fuq is-sit web tagħha: www.ecsel-ju.eu

(8)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(9)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu r-rapporti li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha u n-noti ta’ spjegazzjoni.

(10)  Skont l-istrateġiji tal-awditjar ex post adottati mill-ARTEMIS u l-ENIAC, l-Impriża Konġunta trid tivvaluta mill-inqas darba fis-sena jekk l-informazzjoni li tirċievi mill-Istati Membri tipprovdix aċċertament suffiċjenti dwar ir-regolarità u l-legalità tat-tranżazzjonijiet li jsiru.

(11)  Ara wkoll il-Kapitolu X tar-Rapport Annwali tal-Attività 2017 tal-Impriża Konġunta ECSEL.

(12)  L-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 561/2014.

(13)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(14)  Dan l-ammont jinkludi l-kontribuzzjoni massima fi flus kontanti mill-UE għall-ispejjeż operazzjonali u amministrattivi tal-Impriża Konġunta (EUR 1 185 miljun) u l-kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-membri tal-industrija għall-ispejjeż amministrattivi tagħha (EUR 19,7 miljun).

(15)  L-ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet in natura tal-membri tal-industrija għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta (EUR 1 657,5 miljun) diviż bil-kontribuzzjoni massima fi flus kontanti mill-UE għall-Impriża Konġunta (EUR 1 185 miljun).

(16)  L-ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet in natura tal-membri tal-industrija għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta (EUR 1 657,5 miljun) diviż bil-kontribuzzjonijiet totali mill-UE u mill-Istati Parteċipanti għall-Impriża Konġunta (EUR 2 355 miljun).

(17)  Evalwazzjoni finali tal-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC li joperaw taħt l-FP7. https://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/artemis-eniac.pdf

(18)  Evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta ECSEL (2014-2016) li topera taħt Orizzont 2020. https://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/ecsel.pdf

(19)  Evalwazzjonijiet statutorji tal-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 74/2008 dwar l-Impriża Konġunta ARTEMIS, ir-Regolament (KE) Nru 72/2008 dwar l-Impriża Konġunta ENIAC, u r-Regolament (UE) Nru 561/2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL.

(20)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat: Interim Evaluation of the Joint Undertakings operating under Horizon 2020 (Evalwazzjoni Interim tal-Impriżi Konġunti li joperaw taħt Orizzont 2020) {SWD(2017) 339 final}.

(21)  Ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-evalwaturi jinkludu: il-ħtieġa li tiġi ddefinita b’mod ċar strateġija għal riċerka, żvilupp u innovazzjoni fit-tul fir-rigward ta’ Komponenti u Sistemi Elettroniċi; li tinkiseb integrazzjoni akbar tat-tliet assoċjazzjonijiet tal-industrija li huma membri tal-ECSEL; li tiġi promossa selezzjoni ta’ proġetti b’enfasi fuq l-integrazzjoni vertikali tal-attivitajiet ta’ riċerka; li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs u jiġu esplorati sinerġiji ma’ Impriżi Konġunti oħra; li titnaqqas l-amministrazzjoni u jkun hemm konċentrazzjoni fuq l-istrateġija; li jiġu ssimplifikati l-proċessi ta’ rieżaminar u ta’ rappurtar; li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jagħmlu impenn ta’ finanzjament pluriennnali għall-attivitajiet tal-ECSEL; li jiġu żviluppati metriċi xierqa biex ikunu jistgħu jitkejlu kemm l-eżekuzzjoni tal-proġetti kif ukoll l-impatt tagħhom u li tiġi ffaċilitata t-traċċabbiltà u l-użu mill-ġdid tar-riżultati tal-proġetti.

(22)  L-azzjonijiet speċifiċi ppreżentati fil-pjan ta’ azzjoni b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwatur jinkludu: li jiġi promoss l-użu ta’ linji pilota mill-parteċipanti l-ġodda, b’mod partikolari l-SMEs; li jiġu promossi proposti b’integrazzjoni vertikali u b’enfasi fuq il-valur miżjud f’termini ta’ innovazzjoni, impatt u implimentazzjoni; li għadd akbar ta’ Stati parteċipanti fl-ECSEL jiġu mħeġġa u jingħataw appoġġ biex iżidu l-impenn ta’ finanzjament pluriennali; li jkun hemm kollaborazzjoni ma’ Impriżi Konġunti oħra; li jiġu analizzati approċċi effiċjenti għall-evalwazzjoni tal-impatti tal-proġetti u li jiġu identifikati indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni.

(23)  L-attivitajiet li diġà nbdew jinkludu: it-tħejjija tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka (SRA) l-ġdida għal Komponenti u Sistemi Elettroniċi u l-Aġenda Strateġika Pluriennali għar-Riċerka u Innovazzjoni (MASRIA) kif ukoll l-organizzazzjoni tal-Forum Ewropew għal Komponenti u Sistemi Elettroniċi li jmiss, bil-partiċipazzjoni attiva tat-tliet assoċjazzjonijiet tal-ECSEL u l-ippjanar li jsir f’Novembru 2018.

(24)  B’mod partikolari, l-Impriża Konġunta ECSEL qieset li l-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ parteċipazzjoni għall-Istati Membri u tar-rati nazzjonali ta’ rimborż, kif irrakkomanda l-evalwatur, ma taqax fi ħdan il-kompetenza tagħha.


ANNESS

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-QEA

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti)

 

Strateġija Kontra l-Frodi

 

2015

Ir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta jiddikjaraw li jenħtieġ li l-baġit tal-Impriża Konġunta jiġi implimentat f’konformità ma’ standards ta’ kontroll intern li jkunu effettivi u effiċjenti, inklużi l-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u s-segwitu għal frodi u irregolaritajiet (1).

Wara l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ Strateġija Kontra l-Frodi f’Ġunju 2011, l-ewwel Strateġija komuni Kontra l-Frodi fil-qasam tar-Riċerka ġiet adottata f’Lulju 2012, u aġġornata f’Marzu 2015 biex tieħu kont tal-bidliet li ġew introdotti mill-programm Orizzont 2020 (2).L-Istrateġija Kontra l-Frodi fil-qasam tar-Riċerka tinkludi pjan ta’ azzjoni li għandu jiġi implimentat mill-Impriżi Konġunti għar-riċerka.

Hemm diġà proċeduri ta’ kontroll intern stabbiliti fl-Impriża Konġunta ECSEL biex jipprovdu aċċertament raġonevoli dwar il-prevenzjoni u d-detezzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet, (kontrolli ex ante fuq pagamenti, politika dwar kunflitt ta’ interess, awditi ex post għand il-benefiċjarji tal-għotjiet). Il-pjan ta’ implimentazzjoni kontra l-frodi ġie adottat mill-Impriża Konġunta ECSEL fil-11 ta’ Novembru 2016 u attwalment qed jiġi implimentat.

Għadha għaddejja

 

Kunflitti ta’ interess

 

2016

L-Impriża Konġunta ECSEL adottat regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess biex timmitiga r-riskji relatati mal-istruttura ta’ governanza tagħha. Madankollu, l-Impriża Konġunta ma kkonformatx b’mod konsistenti mar-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni GB.2015.41 tal-Bord ta’ Tmexxija.

Għadha għaddejja


(1)  L-Artikolu 12 tar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta ECSEL.

(2)  Pereżempju, l-istabbiliment ta’ Ċentru ta’ Appoġġ Komuni, b’servizz ċentralizzat tal-awditjar u proċessi kummerċjali armonizzati, għall-korpi tar-riċerka tal-UE.


IT-TWEĠIBA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA ECSEL

16.   

L-Impriża Konġunta ECSEL tixtieq tenfasizza li din il-kwistjoni hija relatata mal-qafas legali tas-Seba’ Programm Kwadru (FP7) u għalhekk mhijiex ikkawżata mill-prestazzjoni tal-Impriża Konġunta.

Bħal fl-eżerċizzju tal-2016, f’Jannar l-Impriża Konġunta wettqet valutazzjoni estensiva tas-sistemi ta’ assigurazzjoni nazzjonali għas-sena 2017, filwaqt li kkunsidrat 2 085 Ċertifikat ta’ Tmiem il-Proġett u 990 Ċertifikat tal-Awditjar riċevuti mill-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Finanzjament (NFAs) għal proġetti ffinanzjati taħt l-FP7. Barra minn hekk, minn Jannar 2018 l-Impriża Konġunta ECSEL stiednet lill-Awtoritajiet Nazzjonali biex jippreżentawlha dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni annwali. L-Impriża Konġunta ECSEL irċeviet 20 dikjarazzjoni (minn 25) mill-NFAs, li jirrappreżentaw 98,54 % tal-finanzjament, u kkonkludiet li r-rapport u d-dikjarazzjoni tal-awditjar jipprovdu protezzjoni raġonevoli tal-interessi finanzjarji tal-membri tagħha.

34.   

B’mod partikolari, għas-sejħiet li saru mill-2014 sal-2016, aħna nixtiequ nenfasizzaw li skont id-deċiżjonijiet ta’ aġġudikazzjoni u r-regoli ta’ Orizzont 2020, il-benefiċjarji privati impenjaw EUR 1 096 miljun, li minnhom EUR 841 miljun huma impenji minn membri tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija (IKOP) u EUR 256 miljun huma impenji mhux minn membri tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija.

36.   

Sabiex tiġi żgurata ġestjoni effettiva tal-proċeduri ta’ akkwist għas-servizzi amministrattivi kollha, ġie nnominat Assistent għall-Baġit, l-Akkwist u l-Kuntratti. Ir-rwol tal-Assistent għall-Baġit, l-Akkwist u l-Kuntratti se jiżgura approċċ ikkoordinat u se jiċċentralizza l-proċeduri ta’ akkwist u l-ġestjoni tal-kuntratti; inklużi l-monitoraġġ u s-segwitu tal-obbligi kuntrattwali u tal-ġestjoni tal-prestazzjoni. Barra minn hekk, ġew organizzati sessjonijiet speċifiċi ta’ sensibilizzazzjoni mal-unitajiet rilevanti.

37.   

L-Impriża Konġunta ECSEL ħadet azzjonijiet biex tiżgura b’mod xieraq li d-dokumentazzjoni fir-reġistru tagħha tal-ġestjoni ta’ eċċezzjonijiet tkun prevalenti fuq il-kontrolli u d-devjazzjonijiet minn proċessi u proċeduri stabbiliti, b’mod partikolari r-reviżjoni tal-Istandard ta’ Kontroll Intern 8 dwar il-proċessi u l-proċeduri b’deskrizzjoni ċara tar-rwoli u r-responsabbiltajiet, inkluża l-komunikazzjoni tal-eċċezzjonijiet kollha lill-Maniġer tal-Kontroll Intern u l-Awditjar. Ir-Reġistru tal-eċċezzjonijiet jinżamm b’mod ċentrali u jiġi mantnut regolarment. F’April 2018, saret sessjoni ta’ taħriġ mal-Persunal kollu tal-Impriża Konġunta ECSEL dwar il-proċeduri li għandhom jintużaw. Dawn l-azzjonijiet jappoġġaw il-kapaċità tal-maniġment li jiżgura l-effettività tal-proċessi ta’ kontroll intern u li jimmitiga n-nuqqasijiet proċedurali fi żmien qasir.


14.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 452/36


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

(2018/C 452/05)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI

1-6

37

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta F4E

1-2

37

Governanza

3-4

37

Objettivi

5

37

Riżorsi

6

37

OPINJONI

7-29

37

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8

38

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

9

38

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

10

38

Osservazzjonijiet

11-20

38

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

21-23

39

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

24-29

40

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

30-31

40

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

30-31

40

KONTROLLI INTERNI

32-35

41

ANNESS —

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

42

IR-RISPOSTA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

45

INTRODUZZJONI

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta F4E

1.

L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER (1) u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (l-“Impriża Konġunta F4E”) twaqqfet f’Marzu 2007 (2) għal perjodu ta’ 35 sena. Filwaqt li l-faċilitajiet prinċipali ta’ fużjoni kellhom jiġu żviluppati f’Cadarache fi Franza, l-Impriża Konġunta tinsab f’Barċellona.

2.

Il-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Euratom, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-Euratom u l-Iżvizzera (li kkonkludiet ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Euratom).

Governanza

3.

L-istruttura ta’ governanza tal-Impriża Konġunta F4E tinkludi l-Bord Amministrattiv, id-Direttur u korpi oħra. Il-Bord Amministrattiv huwa responsabbli għas-superviżjoni tal-Impriża Konġunta fl-insegwiment tal-objettivi tagħha. Id-Direttur huwa responsabbli għat-tmexxija ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta.

4.

Il-korpi l-oħra ta’ governanza tal-Impriża Konġunta huma l-Bureau, il-Panel Konsultattiv Tekniku, il-Kumitat dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti, il-Kumitat Amministrattiv u ta’ Ġestjoni, il-Kumitat tal-Awditjar u l-Panel għar-Rieżaminar Intern.

Objettivi

5.

L-objettivi tal-Impriża Konġunta F4E huma (3):

(a)

li tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER (ITER IO);

(b)

li tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Euratom għall-attivitajiet ta’ Approċċ Usa’ mal-Ġappun għat-twettiq rapidu tal-enerġija mill-fużjoni;

(c)

li tħejji u tikkoordina programm ta’ attivitajiet bi tħejjija għall-kostruzzjoni ta’ reattur dimostrattiv tal-enerġija mill-fużjoni u ta’ faċilitajiet relatati, inkluża l-Faċilità Internazzjonali ta’ Irradjazzjoni ta’ Materjali ta’ Fużjoni.

Riżorsi

6.

Fl-2017, il-baġit finali tal-Impriża Konġunta F4E kien ta’ EUR 865 miljun (2016: EUR 720 miljun) f’approprjazzjonijiet ta’ pagament u ta’ EUR 589 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn (2016: EUR 459 miljun) (4). Fil-31 ta’ Diċembru 2017, l-Impriża Konġunta kellha 447 membru tal-persunal impjegati magħha (2016: 415).

OPINJONI

7.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet tal-Impriża Konġunta, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (5) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta’ Diċembru 2017, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. Dawn huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

10.

Fl-opinjoni tagħna, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Osservazzjonijiet

11.

Mingħajr ma nixħtu dubju fuq l-opinjonijiet li jingħataw hawn fuq, nixtiequ niġbdu l-attenzjoni għal dan li ġej. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE adottati fis-7 ta’ Lulju 2010 (7) approvaw EUR 6,6 biljun (fil-valuri tal-2008) għall-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta għall-fażi ta’ kostruzzjoni tal-proġett ITER, li kienet inizjalment ippjanata li tkun ikkompletta fl-2020. Din iċ-ċifra ma kinitx tinkludi s-EUR 663 miljun proposti mill-Kummissjoni Ewropea fl-2010 biex ikopru kontinġenzi potenzjali (8).

12.

F’Novembru 2016, il-Kunsill tal-ITER (9) approva linja bażi ġdida (ambitu, skeda u spiża) għall-proġett ITER. L-iskeda kumplessiva għall-proġett (10) ġiet approvata mill-Membri kollha tal-ITER (11), u l-ispiża kumplessiva tal-proġett ġiet approvata ad referendum, li jfisser li kull Membru kellu jfittex li jikseb l-approvazzjoni għall-ispejjeż tal-proġett permezz tal-proċess baġitarju tal-gvern rispettiv tagħhom.

13.

L-iskeda l-ġdida li ġiet approvata mill-Kunsill tal-ITER stipulat approċċ f’erba’ stadji, fejn Diċembru 2025 huwa d-data ta’ skadenza għall-ilħuq tal-ewwel stadju importanti strateġiku tal-fażi ta’ kostruzzjoni tal-proġett (“L-Ewwel Plażma”) u Diċembru 2035 hija d-data stmata għall-ikkompletar tal-fażi kollha ta’ kostruzzjoni, dewmien ta’ 15-il sena meta mqabbel max-xenarju ta’ referenza oriġinali. L-għan tal-approċċ il-ġdid fi stadji huwa li l-implimentazzjoni tal-proġett tkun allinjata aħjar mal-prijoritajiet u r-restrizzjonijiet tal-Membri kollha tal-ITER IO.

14.

Wara l-approvazzjoni tax-xenarju ta’ referenza l-ġdid għall-proġett ITER, l-Impriża Konġunta F4E ssettjat l-iskeda ta’ żmien il-ġdida u kkalkulat mill-ġdid l-ispiża relatata, mal-ikkompletar (“EAC”), tal-kontribuzzjoni mill-Impriża Konġunta għall-fażi ta’ kostruzzjoni tal-proġett.

15.

Ir-riżultati, li ġew ippreżentati lill-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta f’Diċembru 2016, indikaw rekwiżit mistenni ta’ finanzjament ta’ EUR 5,4 biljun (fil-valuri tal-2008) għall-fażi ta’ kostruzzjoni wara l-2020, li jirrappreżenta żieda ta’ 82 % meta mqabbel mal-baġit approvat ta’ EUR 6,6 biljun (fil-valuri tal-2008). L-ammont ta’ EUR 6,6 biljun (fil-valuri tal-2008), li ġie adottat mill-Kunsill tal-UE fl-2010, issa jservi bħala limitu massimu għall-infiq tal-Impriża Konġunta sal-2020.

16.

Irid jiġi nnutat li, minbarra l-fażi ta’ kostruzzjoni, l-Impriża Konġunta se jkollha tikkontribwixxi għall-fażi operazzjonali tal-ITER wara l-2035 (12) u għall-fażijiet ta’ diżattivazzjoni u ta’ dekummissjonar. Il-kontribuzzjoni għall-fażi operazzjonali wara l-2035 għadha ma ġietx stmata. Il-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta F4E għall-fażijiet ta’ diżattivazzjoni u ta’ dekummissjonar ġew stmati mill-ITER IO għal EUR 95,54 miljun (fil-valur tal-2001) u għal EUR 180,2 miljun (fil-valur tal-2001) (13) rispettivament.

17.

Filwaqt li l-previżjonijiet li saru mill-Impriża Konġunta F4E għall-Ewwel Plażma huma kompatibbli mal-iskeda ta’ żmien tal-ITER IO għall-proġett, l-iskeda hija kkunsidrata bħala l-aktar data kmieni sa meta huwa teknikament possibbli li din tinkiseb (14).

18.

F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-UE lejn il-proġett ITER riformat (15), fejn tfittex l-appoġġ tal-Parlament Ewropew kif ukoll mandat mill-Kunsill tal-UE biex il-Kummissjoni tapprova l-linja bażi l-ġdida (16) f’isem l-Euratom.

19.

Minkejja li l-linja bażi l-ġdida ma tinkludix kontinġenza, fil-komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni ssuġġeriet li kontinġenza sa 24 xahar fl-iskeda u kontinġenza ta’ 10-20 % fil-baġit ikunu xierqa (17). Barra minn hekk, il-miżuri li ttieħdu fir-rigward tal-limitu massimu tal-baġit ta’ EUR 6,6 biljun kienu jinkludu l-posponiment tal-akkwist u l-installazzjoni tal-komponenti kollha li mhumiex essenzjali għall-Ewwel Plażma. Filwaqt li ttieħdu passi pożittivi biex jittejbu l-ġestjoni u l-kontroll tal-fażi ta’ kostruzzjoni tal-proġett ITER, għad fadal riskju ta’ aktar żidiet fl-ispejjeż u aktar dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett meta mqabbel mal-linja bażi l-ġdida li ġiet proposta.

20.

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew dwar id-deċiżjoni tiegħu li joħroġ mill-UE u mill-Euratom. Ftehim li jistipula l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu se jiġi nnegozjat. Dan jista’ jkollu effett sinifikanti fuq l-attivitajiet futuri tal-Impriża Konġunta F4E u l-proġett ITER.

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

21.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-maniġment tal-Impriża Konġunta jerfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet.

22.

Fit-tħejjija tal-kontijiet, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-Impriża Konġunta li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga, kif applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat.

23.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-entità.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

24.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-Impriża Konġunta jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew lil awtoritajiet ta’ kwittanza rispettivi oħra b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li awditu dejjem se jaqbad dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet.

25.

Awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqies il-kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi, iżda mhux bl-iskop li tingħata opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll intern. Awditu jinkludi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi li jsiru mill-maniġment, u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

26.

Għad-dħul, aħna nivverifikaw is-sussidju li jiġi riċevut mingħand il-Kummissjoni u partijiet interessati oħra, u nivvalutaw il-proċeduri tal-Impriża Konġunta għall-ġbir ta’ tariffi u ta’ introjtu ieħor.

27.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti (inklużi dawk li jkunu saru għax-xiri ta’ assi) minbarra pagamenti bil-quddiem fil-punt meta jsiru. Il-pagamenti bil-quddiem jiġu eżaminati meta r-riċevitur tal-fondi jipprovdi ġustifikazzjoni għall-użu xieraq tagħhom u l-Impriża Konġunta taċċetta l-ġustifikazzjoni billi tapprova l-pagament bil-quddiem, sew jekk fl-istess sena u sew jekk aktar tard.

28.

Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport u l-Opinjoni, aħna qisna x-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet tal-Impriża Konġunta kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (18).

29.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-QEA.

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

30.

Il-baġit finali għall-2017 li kien disponibbli għall-implimentazzjoni kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 589 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 865 miljun. Ir-rati ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienu ta’ 99,9 % u 96,3 %, rispettivament.

31.

Minħabba nuqqasijiet serji fil-proċess ta’ ppjanar tal-baġit, l-approprjazzjonijiet ta’ pagament finalment meħtieġa fl-2017, qabżu b’mod sinifikanti l-approprjazzjonijiet ta’ pagament tal-baġit inizjali għall-2017. Filwaqt li l-approprjazzjonijiet ta’ pagament operazzjonali inizjali li ġew approvati mill-Bord Amministrattiv fi Frar 2017 ammontaw għal EUR 548,6 miljun, l-approprjazzjonijiet ta’ pagament finali meħtieġa għall-2017 ammontaw għal EUR 832,6 miljun, żieda ta’ 51,8 %. Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta stmat nuqqas ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ madwar EUR 150 miljun li potenzjalment affettwa l-baġit għall-2018.

KONTROLLI INTERNI

32.

L-Impriża Konġunta F4E ma wettqitx segwitu konsistenti tad-Dikjarazzjonijiet ta’ Interess mill-Maniġment Superjuri (19).

33.

Fil-proċeduri ta’ kontroll intern u ta’ monitoraġġ instabu nuqqasijiet sinifikanti (20) relatati mar-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal maniġerjali ewlieni.

34.

Fl-2018, il-Qorti Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja annullat żewġ deċiżjonijiet ta’ impjieg li kienu saru fl-2015 mill-Impriża Konġunta F4E minħabba irregolaritajiet fil-proċess ta’ reklutaġġ (21). L-Impriża Konġunta appellat id-deċiżjoni f’April 2018.

35.

Nuqqasijiet sinifikanti fl-istarteġiji ta’ komunikazzjoni interna (22) ma żgurawx id-disseminazzjoni ta’ informazzjoni xierqa dwar l-ispejjeż stmati tal-fażi ta’ dekummissjonar fi ħdan l-organizzazzjoni. Konsegwentement, l-Impriża Konġunta ma ddivulgat l-ebda provvediment ta’ din l-obbligazzjoni fil-kontijiet tas-snin preċedenti (23).

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Neven MATES, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58), emendata bid-Deċiżjoni 2013/791/Euratom (ĠU L 349, 21.12.2013, p. 100) u bid-Deċiżjoni (Euratom) 2015/224 (ĠU L 37, 13.2.2015, p. 8).

(3)  Aktar informazzjoni dwar l-Impriża Konġunta F4E u l-attivitajiet tagħha hija disponibbli fuq is-sit web tagħha: http://www.fusionforenergy.europa.eu

(4)  It-tielet emenda għall-Baġit ġiet approvata mill-Bord Amministrattiv f’Diċembru 2017.

(5)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu r-rapporti li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha u n-noti ta’ spjegazzjoni.

(7)  Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-istatus tal-ITER (Ref. 11902/10).

(8)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-4 ta’ Mejju 2010 dwar l-istatus tal-ITER u triq possibbli ’l quddiem (KUMM(2010) 226 finali).

(9)  Id-19-il Kunsill tal-ITER fis-16-17 ta’ Novembru 2016. Il-Kunsill tal-ITER huwa l-korp governattiv tal-ITER IO.

(10)  Il-Kunsill tal-ITER reġa’ eżamina l-iskeda kompleta u aġġornata għall-kostruzzjoni tal-proġett, mill-Ewwel Plażma (2025) sal-operazzjoni Deuterium-Tritium (2035), kif propost mill-ITER IO.

(11)  Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Indja, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa, l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea.

(12)  Il-fażi operazzjonali tal-proġett ITER hija mistennija li ddum sal-2037.

(13)  IC-19/07.2.1, Proposta għall-Ispiża Kumplessiva tal-Proġett (OPC) li ġiet ippreżentata mid-Direttur Ġenerali tal-ITER IO fid-19-il laqgħa tal-Kunsill ITER fis-16-17 ta’ Novembru 2016.

(14)  Kif ġie ddikjarat fil-ħames valutazzjoni annwali mwettqa minn Grupp ta’ Rieżaminar indipendenti (il-31 ta’ Ottubru 2016) u fir-rapport mill-Kap tal-Ġestjoni tal-Proġett tal-Impriża Konġunta F4E lill-Bord Amministrattiv, f’Diċembru 2016.

(15)  COM(2017)319 final tal-14.6.2017 (akkumpanjata mid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2017) 232 final tal-14.6.2017).

(16)  Il-kontribuzzjoni tal-Euratom hija mingħajr preġudizzju għall-proposti tal-Kummissjoni, għall-eżitu tan-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Euratom u għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali wara l-2020.

(17)  COM(2017)319 final tal-14.6.2017 (akkumpanjata mid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2017) 232 final tal-14.6.2017), il-Kapitolu V “ITER: it-triq ’il quddiem”.

(18)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(19)  L-Istandard ta’ Ġestjoni 3 (Valuri Etiċi u Organizzazzjonali).

(20)  L-Istandard ta’ Ġestjoni 3 (Valuri Etiċi u Organizzazzjonali) u l-Istandard ta’ Ġestjoni 4 (Riżorsi Umani).

(21)  Id-Deċiżjoni datata l-25 ta’ Jannar 2018 tal-Qorti Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-Kawża tal-Qorti T-561/16: Il-proċedura tal-għażla F4E/CA/ST/FGIV/2015/001.

(22)  L-Istandard ta’ Ġestjoni 15 (Informazzjoni u Komunikazzjoni).

(23)  L-ammont tal-provvediment ġie stmat għal EUR 85,2 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2017.


ANNESS

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti)

 

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

 

 

Preżentazzjoni tal-kontijiet

 

2015

Fin-noti għar-rapporti finanzjarji, it-tabella u l-informazzjoni inklużi taħt l-Intestatura 4.3.1.1. “ITER Procurement Arrangement (ITER IO)” (Arranġament ta’ Akkwist tal-ITER (ITER IO)) jirriflettu l-arranġamenti ta’ akkwist iffirmati (il-kolonna 3) u dawk ikkreditati sa issa (il-kolonna 4). Madankollu, it-tabella ma turix il-grad effettiv ta’ avvanz tax-xogħlijiet li qed isiru. Fil-kontijiet annwali tal-2015, l-F4E ssupplimentat din l-informazzjoni bi stima tax-xogħol fl-idejn filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-valur totali tal-infiq fuq kuntratti marbuta mal-Arranġamenti ta’ Akkwist, u ċart li turi l-ilħuq ta’ stadji importanti għal kull arranġament ta’ akkwist iffirmat mal-ITER IO. Minkejja l-istima ppreżentata fil-kontijiet tal-2015, jeħtieġ li jsir xogħol ulterjuri biex tiġi ppreżentata informazzjoni aktar preċiża dwar l-istatus u l-valur tal-attivitajiet imwettqa sa issa mill-Impriża Konġunta.

Għadha għaddejja

 

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI EWLENIN FIS-SISTEMI TA’ SUPERVIŻJONI U KONTROLL TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

 

2015

L-F4E qed tkompli tiżviluppa sistema ċentrali u uniformi għall-integrazzjoni tad-data operazzjonali, finanzjarja u tal-ibbaġitjar kollha, li se tippermetti li jsir monitoraġġ u kontroll regolari tal-istimi, l-ispejjeż u d-devjazzjonijiet. Fil-laqgħa tiegħu tat-8-9 ta’ Ġunju 2015, il-Bord Amministrattiv approva proposta mid-Direttur biex tiġi implimentata sistema ta’ Ppjanar tar-Riżorsi tal-Intrapriża (ERP) fi żmien sentejn.

Ikkompletata

2015

Is-sistema ta’ għoti ta’ informazzjoni dwar il-valur tal-grad tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet (Ġestjoni tal-Valur Gwadanjat), qed tiġi diskussa mal-ITER IO, bil-ħsieb li jsir titjib fid-distribuzzjoni tal-istadji importanti ta’ kreditu matul il-ħajja tal-arranġamenti ta’ akkwist.

Għadha għaddejja

 

Akkwisti u għotjiet operazzjonali

 

2015

Proċeduri nnegozjati kkostitwew 45 % mill-84 proċedura operazzjonali tal-offerti li tnedew fl-2015 (58 % fl-2014). Għalkemm l-Impriża Konġunta naqqset il-perċentwal tal-proċeduri nnegozjati fl-2015, jinħtieġu sforzi biex tiżdied il-kompetittività tal-proċeduri tagħha ta’ akkwist operazzjonali. Għall-għotjiet, l-għadd medju ta’ proposti riċevuti kien ta’ 1,4 għal kull sejħa.

Riżultat tar-rieżaminar: Fl-2017, proċeduri nnegozjati kienu għadhom jikkostitwixxu 47 % mis-47 proċedura operazzjonali tal-offerti li tnedew fl-2017 (2016: 45 %). Fl-2017, l-Impriża Konġunta ħadet inizjattivi biex tnaqqas il-perċentwal tal-proċeduri nnegozjati; madankollu, jinħtieġu sforzi biex tiżdied il-kompetittività tal-proċeduri tagħha ta’ akkwist operazzjonali. Għall-għotjiet, l-għadd medju ta’ proposti riċevuti kien ta’ 1 għal kull sejħa.

Għadha għaddejja

 

Kwistjonijiet oħra

 

 

Qafas legali

 

2015

Fit-2 ta’ Diċembru 2015, il-Bord Amministrattiv tal-F4E finalment emenda r-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu biex jallinjahom mal-Qafas Finanzjarju l-ġdid tal-UE. Fi Frar 2016, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet opinjoni pożittiva dwar l-emendi introdotti mill-F4E fir-regoli finanzjarji tagħha, iżda talbet lill-Impriża Konġunta biex tqis li tkompli tiżviluppa ċerti dispożizzjonijiet fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni tagħha relatati mad-derogi speċifiċi mir-Regolament Finanzjarju tal-UE u mir-regolament finanzjarju qafas applikabbli għall-korpi tal-Artikolu 208.

Ikkompletata

 

Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u politika industrijali

 

2015

Id-Deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Industrijali tal-Fużjoni għall-Enerġija u l-politika dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u t-tixrid ta’ informazzjoni ġiet adottata mill-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta fis-27 ta’ Ġunju 2013.

L-Impriża Konġunta żviluppat dokument ta’ strateġija tal-akkwist għal kull azzjoni ta’ akkwist. Tfasslet lista ta’ kontroll għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ akkwist fir-rigward tas-sjieda tal-għarfien u d-drittijiet miksuba għal kull azzjoni ta’ akkwist.

Ikkompletata

Qed titwettaq valutazzjoni tal-impatt dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki.

Għadha għaddejja

 

KONTROLLI INTERNI

 

 

Strateġija kontra l-frodi

 

2016

F’Ġunju 2015, il-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta F4E adotta strateġija kontra l-frodi u pjan ta’ azzjoni korrispondenti. Il-biċċa l-kbira mill-azzjonijiet ġew implimentati fl-2016. Madankollu, l-Impriża Konġunta ma stabbilietx għodda speċifika biex tiffaċilita l-monitoraġġ tal-azzjonijiet tagħha fir-rigward tal-proċeduri ta’ akkwist, b’mod partikolari dawk relatati mal-valutazzjoni tar-riskju u mal-fażijiet ta’ evalwazzjoni, ta’ negozjar u ta’ għoti, tal-proċeduri.

Għadha għaddejja


IT-TWEĠIBA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

31.

L-F4E taqbel mas-sejba. Ta’ min jinnota li grazzi għall-appoġġ ta’ Euratom, li pprovdiet il-baġit addizzjonali, dan in-nuqqas ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament fl-2017 ma kellu l-ebda impatt fuq l-ilħuq tal-obbligi tal-F4E għall-fornituri.

Internament, is-sistema ta’ previżjoni tal-pagamenti tfasslet totalment mill-ġdid u ġiet integrata fl-għodda ta’ ġestjoni finanzjarja l-ġdida, ECOSYS, u l-interazzjoni bejn it-Timijiet tal-Proġett u l-Unità ta’ Akkwist li tiġġestixxi l-kuntratti ssaħħet.

Minħabba t-tħejjija avvanzata tal-previżjonijiet, l-F4E tikkonferma li l-baġit tal-2018 huwa milqut ukoll b’nuqqas ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ madwar 150 miljun euro. Fil-baġit ġenerali tal-UE għall-2018 għadha għaddejja talba għal trasferiment, sabiex tiżdied il-kontribuzzjoni tal-Euratom għall-F4E, li tkopri dawn il-ħtiġijiet addizzjonali.

It-talba għall-abbozz tal-baġit għall-2019 u l-previżjonijiet għall-baġits li ġejjin diġà ġew evalwati mill-ġdid, abbażi ta’ metodoloġija ta’ previżjoni avvanzata u bl-għodda ta’ rappurtar u ta’ ppjanar il-ġdida ECOSYS.

32.

L-F4E se ttejjeb il-proċedura interna attwali biex issegwi d-Dikjarazzjonijiet ta’ Interess mill-Maniġment Superjuri. Dan it-titjib sejjer jimplika li l-aġġornamenti tad-Dikjarazzjonijiet Ġenerali ta’ Interess (GDols) jew kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess oħra se jiġu riveduti formalment mill-Uffiċjali ta’ Rappurtar rispettivi, inkluż il-President tal-Bord ta’ Tmexxija fil-każ tad-Direttur tal-F4E.

33.

L-F4E qed ittejjeb il-proċess u l-proċeduri ta’ għażla permezz ta’ proġett ta’ titjib li qed jiġi implimentat. F’dak il-kuntest, l-F4E ser issaħħaħ l-aspetti proċedurali tagħha biex jiġu kkunsidrati l-osservazzjonijiet tal-Qorti, bil-għan li jissaħħu l-kontroll intern u l-kwalità tal-proċess ta’ reklutaġġ.

34.

Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-qorti tal-2018 li tannulla proċedura tal-għażla tal-F4E, l-F4E jenħtieġ li tagħmilha ċara li filwaqt li kellha timplimenta d-deċiżjoni tagħha, hija ressqet ukoll appell kontriha. Ta’ min jinnota li dan il-każ kien jinvolvi wkoll azzjoni quddiem l-Ombudsman Ewropew, li ddeterminat li l-ilment kien infondat u ddeċidiet favur l-F4Es.

35.

Bi qbil mal-Qorti tal-Awdituri, l-F4E rrikonoxxiet id-dispożizzjoni għall-ispejjeż ta’ dekummissjonar fil-Kontijiet finali għall-2017 tagħha.

Fir-rigward tan-nuqqasijiet fil-komunikazzjoni interna, l-F4E sejra tindirizza dan permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

Il-proċess intern tal-F4E “Kontijiet annwali — ftuħ/għeluq tas-sena finanzjarja” se jiġi aġġornat bil-għan li tiġi ċċarata l-informazzjoni meħtieġa għall-kontijiet fir-rigward tad-dispożizzjonijiet u l-obbligazzjonijiet kontinġenti. B’mod partikolari, se jintalab aġġornament annwali mingħand id-Dipartiment tal-Ġestjoni tal-Proġetti u l-grupp tal-Baġit fir-rigward tal-istatus tal-ispejjeż tad-dekummissjonar u d-diżattivazzjoni u kwalunkwe avveniment jew informazzjoni oħra li jista’ jkollha impatt fuq il-kontijiet.

Il-Maniġment Superjuri (u l-aktar il-Kap tad-Dipartiment Kummerċjali) se jibagħtu lill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-F4E kwalunkwe informazzjoni rilevanti u b’mod aktar speċifiku d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-ITER u tal-MAC (Kumitat Konsultattiv għall-Ġestjoni)

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

2015 — Preżentazzjoni tal-kontijiet

Attwalment l-F4E qed tuża l-kreditu tal-ITER bħala s-sistema tal-Ġestjoni tal-Valur Miksub (EVM) tagħha u huwa wieħed mill-metodi, flimkien mal-monitoraġġ tal-istadji importanti u l-analiżi tax-xejriet, biex jiġi mmonitorjat il-progress fl-attivitajiet tagħha.

Fi tmiem l-2017, il-Bord ta’ Tmexxija ħatar Grupp ta’ Ħidma (WG) bil-kompitu li jiddefinixxi mod imtejjeb ta’ rappurtar mill-F4E, inkluż il-kompitu li tiġi definita sistema tal-EVM. Il-ħidma għadha għaddejja u l-President tal-WG mistenni jirrapporta l-progress fil-laqgħa tal-GB ta’ Lulju 2018.

2015 — Kummenti dwar kontrolli ewlenin fis-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Impriża Konġunta

It-Tieni Paragrafu: Tnieda aġġornament tal-profil ta’ kreditu flimkien mal-akkwist mal-Organizzazzjoni ITER sabiex tkun tista’ tkun eqreb għall-valur tal-ħidma reali li tkun saret tul il-fażijiet tal-proġetti varji (jiġifieri disinn, manifattura, kunsinna, installazzjoni). Din il-ħidma ġiet milquta b’xi dewmien u d-data ta’ tlestija l-ġdida prevista għal din l-azzjoni hija t-tmiem ta’ Diċembru 2018.

2015 — Akkwist u għotjiet operazzjonali

Minkejja l-isforzi ta’ komunikazzjoni u ta’ disseminazzjoni mġedda, b’mod partikolari fil-kuntest tal-integrazzjoni tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid, iċ-ċifri għall-proċeduri nnegozjati matul l-2017 baqgħu simili għas-snin preċedenti (47 % tat-total fl-2017, kontra 49 % fl-2016, 45 % fl-2015 u 58 % fl-2014).

Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-parti l-kbira ta’ dawn il-proċeduri kienu għal proċeduri nnegozjati ta’ valur baxx li saru taħt il-limitu ta’ pubblikazzjoni tad-Direttiva u f’konformità sħiħa mar-Regolamenti Finanzjarji tal-F4E. Dawn il-proċeduri nnegozjati ta’ valur baxx jirrappreżentaw medja fuq terminu twil ta’ madwar 40 % tan-numru annwali ta’ kuntratti tal-F4E iżda jikkorrispondu għal anqas minn 1 % tal-baġit tal-impenn annwali.

F’dawn il-każijiet, l-użu ta’ proċeduri nnegozjati (fil-limiti imposti mir-Regolamenti Finanzjarji tal-F4E) iwieġeb għal tħassib ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, peress li din tippermetti lill-F4E tnaqqas il-ħin għall-kuntratt, tirreaġixxi aktar malajr għall-ħtiġijiet tal-proġetti u tiffoka l-użu tar-riżorsi interni b’mod aktar effettiv f’akkwisti ta’ valur għoli. Għalhekk, l-F4E tqis li mhi meħtieġa l-ebda azzjoni biex jitkomplu jitnaqqsu l-proċeduri nnegozjati ta’ valur baxx, li għadhom konformi mal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Finanzjarji.

Il-proċeduri nnegozjati li jifdal, normalment kuntratti ta’ valur għoli, (madwar 5 % tan-numru totali ta’ proċeduri bħala medja fuq terminu twil), huma espressjoni tal-kuntest kumpless u innovattiv li fih topera l-F4E. Il-karatteristiċi tas-suq tat-teknoloġija tal-fużjoni huma tali li f’ħafna każijiet ikun hemm kapaċità limitata ħafna fl-Istati Membri jew fid-dinja kollha. Dan ħafna drabi jirriżulta f’livelli ta’ kompetizzjoni baxxi, duwopolji/monopolji jew anki nuqqas ta’ parteċipazzjoni għal sejħiet għall-offerti.

Sa mill-2012, l-F4E żiedet l-isforzi ta’ disseminazzjoni tagħha iżda l-parteċipazzjoni għas-sejħiet operazzjonali tagħha baqgħu aktar baxxi milli mixtieq bħala medja. Fil-fehma tal-F4E, il-kawża prinċipali mhijiex in-nuqqas ta’ viżibbiltà iżda minflok in-natura sporadika u speċifika tax-xiri tal-F4E. Permezz ta’ diskussjoni ma’ xerrejja kbar oħra tal-infrastruttura tax-xjenza fl-Ewropa, l-F4E waslet għall-konklużjoni li n-natura tal-attivitajiet relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ proġetti kbar tax-xjenza u tat-teknoloġija hija tali li kompetizzjoni limitata sfortunatament hija kwistjoni ta’ fatt li fuqha awtorità kontraenti unika jista’ jkollha biss impatt żgħir. Din il-konklużjoni hija kondiviża minn awtoritajiet kontraenti oħra li jiġġestixxu proġetti simili fl-Ewropa.

Bħala konsegwenza, fl-2016, l-F4E bdiet forum li jinkludi proġetti ta’ teknoloġija avvanzata ħafna l-aktar simili u tal-ewwel tax-xorta tagħhom. Permezz ta’ dan il-forum organizzazzjonijiet differenti bi sfidi ta’ proġetti simili (b’mod partikolari fir-rigward ta’ involviment u parteċipazzjoni industrijali baxxi) bdew jaħdmu flimkien biex jindirizzawhom b’mod aktar koordinat u effettiv. Fost l-ideat ewlenin iġġenerati f’dan il-forum hemm dik li jitrawwem suq uniku għal proġetti xjentifiċi kbar, li jkun ikbar u iktar stabbli u għalhekk aktar kapaċi jattira l-interess tal-kumpaniji.

L-ewwel avveniment tal-forum li għandu l-industrija fil-mira seħħ fid-Danimarka lejn tmiem Frar 2018, bil-parteċipazzjoni ta’ 1 037 delegat li jirrappreżentaw 530 kumpanija u organizzazzjoni pubblika minn 29 pajjiż. Il-feedback mill-industrija u mill-parteċipanti tal-pubbliku wara l-avveniment kien pożittiv ħafna, u f’Ġunju 2018, il-parteċipanti tal-forum (l-F4E, l-ESA, l-ESO, CERN, l-EMBL, l-ESRF, l-ESS, l-XFEL, l-ILL) ivvutaw unanimament biex jaċċettaw kandidaturi għall-organizzazzjoni tat-tieni l-akbar avveniment fl-2020 u biex jestendu s-sħubija tal-forum għal organizzazzjonijiet oħra ta’ interess Ewropew bi proġetti simili ta’ skala kbira u ta’ teknoloġija avvanzata.

2015 — Drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-politika industrijali

It-tieni paragrafu: L-F4E ikkooperat b’mod attiv ma’ Triconomics u Cambridge Econometrics, konsulenza dwar il-politika ekonomika indipendenti, li pproduċiet studju għall-Kummissjoni Ewropea dwar l-“Impatt tal-attivitajiet ta’ ITER fl-UE”. L-istudju ġie konkluż f’April 2018. Ir-riżultati ewlenin tiegħu huma mniżżla fil-qosor hawn taħt.

Fir-rigward tal-effettività tal-Politika Industrijali tal-F4E, ir-riżultati mill-immudellar ekonometriku juru li l-infiq fuq l-ITER iġġenera madwar 34 000 impjieg bejn l-2008 u l-2017. L-effett pożittiv se jkompli fil-futur, sa tmiem il-kostruzzjoni tal-ITER.

Meta r-redditu ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ ITER jitqabbel ma’ xenarju tal-infiq tal-UE alternattiv (b’distribuzzjoni tal-infiq newtrali għas-setturi ekonomiċi kollha) huwa stmat li l-ITER, bejn l-2008 u l-2030 se jiġġenera qligħ nett totali ta’ 586 miljun euro għall-Istati Membri tal-UE.

Fir-rigward dak li jikkonċerna l-proprjetà intellettwali u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni, l-istudju jikkonkludi li l-benefiċċji netti msemmija hawn fuq jistgħu jiżdiedu b’mod sinifikanti minn kumpaniji spin-off u innovazzjoni ulterjuri stimulata minn ditti li jaħdmu fuq l-ITER u li jiżviluppaw ta’ teknoloġiji u prodotti ġodda. Filwaqt li r-riżultati tal-immudellar huma indikattivi, dawn jissuġġerixxu li l-impatt ekonomiku jiżdied b’bejn 25 u 60 % jew aktar minħabba dawn l-effetti.

Sabiex jinkiseb benefiċċju massimu minn dawn l-effetti addizzjonali, l-istudju jissuġġerixxi li l-attivitajiet ta’ trasferiment tat-teknoloġija jenħtieġ li jiġu rinfurzati madwar il-proġett ITER. L-esperjenza minn CERN u l-ESA turi li l-istabbiliment ta’ sistema ta’ trasferiment tat-teknoloġija effettiva jieħu ż-żmien iżda hija kruċjali biex jissaħħaħ l-impatt tal-investiment pubbliku.

Matul l-2017, l-F4E diġà kienet tat bidu għall-attivitajiet preliminari biex tistabbilixxi programm ta’ trasferiment tat-teknoloġija f’kooperazzjoni ma’ EUROfusion, waqt li ispirat ruħha mill-mudell tal-ESA. L-ewwel fażi ta’ dan il-programm hija ppjanata li tibda matul l-2018.

2016 — Strateġija ta’ Kontra l-Frodi

Wara r-Rakkomandazzjoni 3.5 tal-Istrateġija Kontra l-Frodi tagħha, fi Frar 2018, l-F4E adottat is-sett proprju tagħha ta’ indikaturi ta’ riskju ta’ frodi tal-akkwist: Allarmi ħomor. L-għan tal-Allarmi ħomor huwa li jiġu definiti l-indikaturi speċifiċi għall-attivitajiet ta’ akkwist tal-F4E, abbażi tal-karatteristiċi għall-offerti, l-analiżijiet tas-suq u s-sistemi ta’ akkwist għas-sensibilizzazzjoni fost il-persunal involut fl-akkwist tal-punti ewlenin li għandhom jiġu vverifikati tul il-proċess ta’ akkwist.

Il-lista ta’ indikaturi tqieset bħala prerekwiżit għall-iżvilupp tal-għodda tal-IT Kontra l-Frodi li ġiet prevista biex tiffaċilita l-monitoraġġ tal-azzjonijiet tal-F4E fir-rigward tal-proċeduri ta’ akkwist. Madankollu, f’Jannar 2018, valutazzjoni tal-kumplessità għall-iżvilupp ta’ għodda li tipprovdi l-funzjonalitajiet meħtieġa kollha żvelat li jkun diffiċli wisq għall-F4E bħala aġenzija tal-UE unika.

Konsegwentement, tqiesu soluzzjonijiet oħra aktar sempliċi u aktar rapidi, li għadhom jipprovdu livell ta’ assigurazzjoni suffiċjenti u l-F4E ddeċidiet li tfassal il-lista ta’ kontroll Kontra l-Frodi fuq il-bażi tal-lista tagħha tal-Indikaturi tar-Riskju ta’ Frodi tal-Akkwist — Allarmi Ħomor. Il-Lista ta’ Kontroll Kontra l-Frodi għadha kemm ġiet adottata f’Mejju 2018 u se ssir effettiva mill-1 ta’ Lulju 2018. Meta applikabbli, il-lista ta’ kontroll se timtela u tiġi ffirmata tal-anqas darbtejn fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-akkwist (fl-istadju tal-għoti u tal-għeluq tal-kuntratt) minn żewġ atturi differenti, indipendentement, kemm l-Uffiċjal tal-Proġett Tekniku kif ukoll l-Uffiċjal tal-Kuntratti u tal-Akkwist, sabiex tiġi pprovduta trasparenza sħiħa. Jekk ikun meħtieġ, il-lista ta’ kontroll tista’ tintuża wkoll minn kwalunkwe membru tal-persunal tal-F4E sabiex jagħti l-allarm aħmar fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tal-akkwist. L-użu tal-lista ta’ kontroll issa qed jiġi introdott fil-proċessi interni tal-F4E, b’mod parallel mal-bidliet l-oħra kollha relatati mal-Proġett dwar l-Akkwist għat-Titjib.


14.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 452/48


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

(2018/C 452/06)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI

1-13

49

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta FCH

1-2

49

Governanza

3-6

49

Objettivi

7

49

Riżorsi

8-12

49

L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni

13

50

OPINJONI

14-26

50

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

15

50

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

16

50

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

17

50

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

18-20

51

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

21-26

51

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

27-36

52

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

27

52

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt l-FP7

28-31

52

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

32-36

52

KONTROLLI INTERNI

37-39

53

Qafas ta’ kontroll intern

37-39

53

KWISTJONIJIET OĦRA

40

53

Mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-membri l-oħra

40

53

INFORMAZZJONI DWAR L-EVALWAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

41-42

54

ANNESS —

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

55

IR-RISPOSTA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

56

INTRODUZZJONI

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta FCH

1.

L-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar iċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (l-Impriża Konġunta FCH), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Mejju 2008 għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017 u bdiet taħdem b’mod awtonomu fil-15 ta’ Novembru 2010 (1). F’Mejju 2014, il-Kunsill estenda t-tul ta’ żmien tal-operat tal-Impriża Konġunta għall-perjodu li jwassal sal-31 ta’ Diċembru 2024 (2).

2.

L-Impriża Konġunta FCH hija sħubija pubblika-privata fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni li tirrigwarda t-teknoloġija tal-idroġenu u ċ-ċelloli tal-fjuwil. Il-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea (UE), irrappreżentata mill-Kummissjoni, ir-Raggruppament għall-Industrija (Hydrogen Europe) u r-Raggruppament għar-Riċerka (Hydrogen Europe Research).

Governanza

3.

L-istruttura ta’ governanza tal-Impriża Konġunta FCH tinkludi l-korpi li ġejjin: il-Bord tat-Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv, il-Kumitat Xjentifiku, il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati tal-FCH u l-Forum tal-Partijiet Interessati.

4.

Il-Bord tat-Tmexxija huwa magħmul minn 10 membri, b’6 rappreżentanti mir-Raggruppament għall-Industrija, 3 rappreżentanti mill-Kummissjoni u rappreżentant wieħed mir-Raggruppament għar-Riċerka. Huwa responsabbli għall-orjentazzjoni strateġika u l-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha. Id-Direttur Eżekuttiv huwa responsabbli għat-tmexxija ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta.

5.

Il-Kumitat Xjentifiku huwa magħmul minn mhux aktar minn disa’ membri li jirreflettu rappreżentanza bilanċjata ta’ esperti mill-kamp tal-akkademja, mill-industrija u mill-korpi regolatorji. Huwa jipprovdi konsulenza dwar il-prijoritajiet xjentifiċi li għandhom ikunu indirizzati fil-pjanijiet ta’ ħidma annwali u dwar il-kisbiet xjentifiċi deskritti fir-rapport annwali tal-attività.

6.

Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati tal-FCH jikkonsisti minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u kull pajjiż assoċjat ma’ Orizzont 2020, u jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-orjentazzjoni strateġika tal-Impriża Konġunta u l-ilħuq tal-miri tal-programm Orizzont 2020. II-Forum tal-Partijiet Interessati huwa avveniment annwali, fejn il-partijiet interessati tal-FCH jiddiskutu l-attivitajiet tagħha u jistgħu jifformulaw kummenti.

Objettivi

7.

L-objettiv tal-Impriża Konġunta FCH huwa li, sal-2020, turi li t-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu huma wieħed mill-pilastri tas-sistemi futuri Ewopej għall-enerġija u t-trasport. L-Impriża Konġunta tfittex li trawwem l-iżvilupp, fl-UE, ta’ settur taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu li jkun b’saħħtu, sostenibbli u kompetittiv globalment.

Riżorsi

8.

Il-kontribuzzjoni massima mill-UE għall-ewwel fażi ta’ attivitajiet tal-Impriża Konġunta FCH (FCH 1) hija ta’ EUR 470 miljun, li għandha titħallas mill-FP7 (3). Il-kontribuzzjonijiet mill-membri l-oħra jridu jkunu mill-inqas daqs il-kontribuzzjoni mill-UE.

9.

Il-kontribuzzjoni massima mill-UE għat-tieni fażi ta’ attivitajiet tal-Impriża Konġunta FCH (FCH 2) hija ta’ EUR 665 miljun, iffinanzjata mill-programm Orizzont 2020. Minn dan l-ammont, massimu ta’ EUR 570 miljun jistgħu jintużaw biex jippareġġjaw il-kontribuzzjoni minima tal-membri mir-Raggruppamenti għall-Industrija u għar-Riċerka (issettjata f’ammont ta’ EUR 380 miljun), u sa EUR 95 miljun jistgħu jintużaw biex jippareġġjaw kwalunkwe kontribuzzjoni addizzjonali mill-membri li tkun ogħla mill-kontribuzzjoni minima (4).

10.

Il-membri mir-Raggruppamenti għall-Industrija u għar-Riċerka huma mistennija li jikkontribwixxu riżorsi ta’ mill-inqas EUR 380 miljun tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tal-Impriża Konġunta (5). Minn dan l-ammont, il-membri tar-raggruppamenti jridu jġarrbu spejjeż ta’ mill-inqas EUR 285 miljun għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet addizzjonali li ma jkunux fil-pjan ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta FCH (6).

11.

L-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta FCH huma limitati għal EUR 38 miljun, li għandhom ikunu koperti permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji li jinqasmu b’mod ugwali u fuq bażi annwali bejn l-UE u l-membri mir-Raggruppamenti għall-Industrija u għar-Riċerka (7).

12.

Fl-2017, il-baġit finali tal-Impriża Konġunta FCH kien ta’ EUR 198,6 miljun (2016: EUR 115,5 miljun). Fil-31 ta’ Diċembru 2017, l-Impriża Konġunta kellha 26 membru tal-persunal impjegati magħha (2016: 26) (8).

L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni

13.

F’Ġunju 2017 il-Kummissjoni kkompletat l-evalwazzjoni finali tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta taħt l-FP7 u l-evalwazzjoni interim tal-attivitajiet tagħha taħt Orizzont 2020. Dawn ġew segwiti minn pjanijiet ta’ azzjoni rispettivi mħejjija mill-Impriża Konġunta biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet li saru fl-evalwazzjonijiet. Din id-darba, aħna inkludejna taqsima li hija relatata mal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-Impriża Konġunta b’rispons għall-evalwazzjonijiet, u li hija intenzjonata biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma tiffurmax parti mill-opinjoni jew mill-osservazzjonijiet tal-awditjar tagħna.

OPINJONI

14.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet tal-Impriża Konġunta, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (9) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (10) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

15.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta’ Diċembru 2017, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. Dawn huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

16.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

17.

Fl-opinjoni tagħna, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

18.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-maniġment tal-Impriża Konġunta jerfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet.

19.

Fit-tħejjija tal-kontijiet, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-Impriża Konġunta li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga, kif applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat.

20.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-entità.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

21.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-Impriża Konġunta jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew lil awtoritajiet ta’ kwittanza rispettivi oħra b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li awditu dejjem se jaqbad dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet.

22.

Awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqies il-kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi, iżda mhux bl-iskop li tingħata opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll intern. Awditu jinkludi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi li jsiru mill-maniġment u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

23.

Għad-dħul, aħna nivverifikaw is-sussidju li jiġi riċevut mingħand il-Kummissjoni u nivvalutaw il-proċeduri tal-Impriża Konġunta għall-ġbir ta’ tariffi u ta’ introjtu ieħor.

24.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti (inklużi dawk li jkunu saru għax-xiri ta’ assi) minbarra pagamenti bil-quddiem fil-punt meta jsiru.

25.

Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport u l-Opinjoni, aħna qisna x-xogħol tal-awditjar li l-awditur estern indipendenti wettaq fuq il-kontijiet tal-Impriża Konġunta kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (11).

26.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-QEA.

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

27.

Il-baġit finali għall-2017 li kien disponibbli għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-Impriża Konġunta taħt l-FP7 u Orizzont 2020 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 127,8 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 198,6 miljun. Ir-rati ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienu ta’ 96 % u 89 %, rispettivament. L-approprjazzjonijiet ta’ pagament intużaw prinċipalment biex jitħallsu l-prefinanzjamenti relatati mas-sejħiet tal-2016 u tal-2017.

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt l-FP7

28.

Mill-ammont massimu ta’ EUR 470 miljun f’fondi taħt l-FP7 li ġew allokati għall-Impriża Konġunta FCH għall-implimentazzjoni tal-FCH 1, l-UE kienet ikkontribwiet total ta’ EUR 386,7 miljun fi flus kontanti u total ta’ EUR 19,1 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura, sa tmiem l-2017.

29.

Mill-ammont minimu ta’ EUR 470 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura u fi flus kontanti li għandhom isiru mill-membri tar-Raggruppamenti għall-Industrija u għar-Riċerka għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta FCH, il-Bord tat-Tmexxija kien ivvalida kontribuzzjonijiet ta’ EUR 396,2 miljun, sa tmiem l-2017. Barra minn hekk, ammont ta’ EUR 55,8 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali kien ġie rrappurtat lill-Impriża Konġunta FCH sa tmiem l-2017.

30.

Konsegwentement, sa tmiem l-2017, il-kontribuzzjoni totali mill-membri tar-Raggruppamenti għall-Industrija u għar-Riċerka lill-Impriża Konġunta ammontat għal EUR 452 miljun, filwaqt li l-kontribuzzjoni kumulattiva mill-UE ammontat għal EUR 405,8 miljun.

31.

Mill-baġit totali ta’ EUR 490 miljun għall-attivitajiet operazzjonali u amministrattivi tal-FCH 1 (12), din kienet għamlet impenji ta’ EUR 481,7 miljun (98,3 % tal-baġit disponibbli) u pagamenti ta’ EUR 418,5 miljun, sa tmiem l-2017. Skont il-pjan ta’ pagament tal-Impriża Konġunta għall-proġetti taħt l-FP7 li għadhom għaddejjin, EUR 25,7 miljun oħra se jitħallsu fl-2018 u EUR 17,4 miljun se jitħallsu fis-snin sussegwenti. B’hekk, il-proporzjon ta’ implimentazzjoni finali għall-programm FCH 1 huwa stmat li jammonta għal 94,3 % tal-baġit totali għall-FCH 1.

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

32.

Mill-ammont massimu ta’ EUR 665 miljun f’fondi taħt Orizzont 2020 li ġew allokati għall-Impriża Konġunta FCH, l-UE kienet ikkontribwiet total ta’ EUR 234,3 miljun fi flus kontanti għall-implimentazzjoni tal-FCH 2, sa tmiem l-2017.

33.

Il-membri mir-Raggruppamenti għall-Industrija u għar-Riċerka mhumiex obbligati jikkontribwixxu ammont minimu in natura għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta relatati mal-programm FCH 2. Fi tmiem l-2017, il-membri tar-raggruppamenti kienu rrappurtaw ammont ta’ EUR 25,1 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali (13), li minnhom EUR 0,6 miljun kienu ġew ivvalidati mill-Bord tat-Tmexxija tal-FCH. Dan jirrifletti l-fatt li fl-2017 il-proġetti relatati mal-programm FCH 2 kienu għadhom fil-bidu tagħhom. Fil-31.12.2017, il-kontribuzzjonijiet in natura li kienu impenjati skont il-ftehimiet ta’ għotja ffirmati ammontaw għal EUR 137,4 miljun (14). Barra minn hekk, il-Bord tat-Tmexxija kien ivvalida EUR 1,3 miljun f’kontribuzzjonijiet fi flus kontanti mill-membri tar-raggruppamenti għall-ispiża amministrattiva tal-Impriża Konġunta ta’.

34.

Mill-ammont ta’ mill-inqas EUR 285 miljun f’kontribuzzjonijiet li għandu jsir mill-membri tar-raggruppamenti għal attivitajiet addizzjonali li ma jkunux fil-programm ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta, sa tmiem l-2017, il-membri kienu diġà rrappurtaw EUR 558,5 miljun (15), li minnhom EUR 382,2 miljun kienu ġew iċċertifikati, u għalhekk il-mira kienet inqabżet sew. Madankollu, peress li ma għandna l-ebda dritt li nawditjaw il-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri għal attivitajiet addizzjonali, aħna ma nistgħux nipprovdu opinjoni dwar in-natura, il-kwalità u r-realtà tagħhom.

35.

Konsegwentement, sa tmiem l-2017, il-kontribuzzjonijiet totali mill-membri tar-raggruppamenti ammontaw għal EUR 585 miljun (li minnhom 95,5 % huma kontribuzzjonijiet għal attivitajiet addizzjonali), filwaqt li l-kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-UE ammontat għal EUR 234,3 miljun (ara wkoll il-paragrafu 41).

36.

Mill-baġit massimu ta’ EUR 684 miljun (16) għall-attivitajiet operazzjonali u amministrattivi tal-FCH 2, l-Impriża Konġunta kienet għamlet impenji ta’ EUR 407,2 miljun u pagamenti ta’ EUR 223,3 miljun, sa tmiem l-2017.

KONTROLLI INTERNI

Qafas ta’ kontroll intern

37.

L-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri ta’ kontroll ex ante bbażati fuq analiżijiet dokumentarji finanzjarji u operazzjonali. Għal pagamenti interim u finali taħt l-FP7, l-Impriża Konġunta twettaq awditi ex post għand il-benefiċjarji, filwaqt li għal klejms għall-ispejjeż ta’ proġetti taħt Orizzont 2020, is-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-awditi ex post.

38.

Għall-pagamenti taħt l-FP7, ir-rata tal-iżball residwu għall-awditi ex post li ġiet irrappurtata mill-Impriża Konġunta fi tmiem l-2017 kienet ta’ 1,13 %. (17). Fl-2017, l-Impriża Konġunta — flimkien mas-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tad-DĠ RTD — niedet l-ewwel awditu ex post ta’ kampjun aleatorju bbażat fuq ir-riskju ta’ klejms għall-ispejjeż interim relatati mal-programm Orizzont 2020, li r-riżultati tiegħu se jiġu rrappurtati fir-Rapport Annwali tal-Attività 2018 tal-Impriża Konġunta.

39.

Ibbażat fuq valutazzjoni tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta, fuq ittestjar sostantiv tal-operazzjonijiet ta’ dħul, ta’ pagamenti, ta’ għotjiet u ta’ akkwist, kif ukoll fuq analiżi ta’ kampjun ta’ awditi ex post finalizzati, inklużi ta’ rkupri li rriżultaw mill-iżbalji li nqabdu, ir-riżultati tal-awditjar ipprovdewlna aċċertament raġonevoli li r-rata kumplessiva tal-iżball residwu għall-Impriża Konġunta hija taħt il-livell ta’ materjalità.

KWISTJONIJIET OĦRA

Mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-membri l-oħra

40.

Wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li timmobilizza l-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-membri tal-industrija fil-qasam tal-attivitajiet tagħha (18). Skont ir-Regolament fundatur tal-FCH2, il-fattur minimu ta’ mobilizzazzjoni li għandu jinkiseb kemm għall-attivitajiet operazzjonali kif ukoll għal dawk addizzjonali jammonta għal 0,67 (19). Il-fattur ta’ mobilizzazzjoni, kif definit fir-rapport ta’ evalwazzjoni interim, li nkiseb mill-Impriża Konġunta sa tmiem l-2017, ammonta għal 1,32 (20) wara li tqiesu kemm l-attivitajiet operazzjonali kif ukoll dawk addizzjonali (inkluż 0,35 (21) għall-kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali waħidhom). Ir-Regolament fundatur tal-FCH 2 ma jobbligax lill-membri tal-industrija biex jagħmlu ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta (22). Il-fattur finali ta’ mobilizzazzjoni għall-kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali u dawk addizzjonali se jiġi kkalkulat fi tmiem il-programm Orizzont 2020. Peress li ma għandna l-ebda dritt li nawditjaw il-kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet addizzjonali, aħna ma nistgħux nipprovdu opinjoni dwar in-natura, il-kwalità jew ir-realtà ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (23).

INFORMAZZJONI DWAR L-EVALWAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

41.

L-Evalwazzjoni Finali tal-Impriża Konġunta FCH li l-Kummissjoni wettqet fil-kuntest tal-FP7 kienet tkopri l-perjodu bejn l-2008 u l-2016 (24), filwaqt li l-Evalwazzjoni Interim tal-Impriża Konġunta FCH 2 fil-kuntest tal-H2020 kienet tkopri l-perjodu mill-2014 sal-2016 (25). L-evalwazzjonijiet twettqu bl-assistenza ta’ esperti indipendenti kif previst fir-Regolamenti tal-Kunsill dwar l-FCH (26), u koprew il-prestazzjoni tal-Impriża Konġunta f’termini ta’ rilevanza, effiċjenza, effettività, koerenza, u valur miżjud tal-UE, filwaqt li ttieħdu wkoll inkunsiderazzjoni t-trasparenza u l-kwalità tar-riċerka. Il-Kummissjoni qieset ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet fir-rapport li bagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Ottubru 2017 (27).

42.

B’rispons għar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-evalwaturi (28), l-Impriża Konġunta ħejjiet Pjan ta’ Azzjoni li ġie approvat mill-Bord tat-Tmexxija tal-FCH 2 f’Marzu 2018. Il-pjan ta’ azzjoni jinkludi sett wiesa’ ta’ azzjonijiet li jridu jiġu implimentati mill-Impriża Konġunta (29). Għal xi wħud minnhom diġà nbdew ċerti attivitajiet (30), il-maġġoranza tagħhom huma mistennija li jiġu implimentati fl-2018 u fl-2019, filwaqt li għadd żgħir minnhom se jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss (31).

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Neven MATES, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 tat-30 ta’ Mejju 2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1) emendat bir-Regolament (UE) Nru 1183/2011 (ĠU L 302, 19.11.2011, p. 3).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108).

(3)  L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 521/2008.

(4)  L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 559/2014.

(5)  L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 559/2014.

(6)  Kif previst fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 559/2014, attivitajiet addizzjonali huma kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet li ma jkunux fil-pjan ta’ ħidma u fil-baġit tal-Impriża Konġunta iżda li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta FCH. L-attivitajiet korrispondenti jridu jiġu stipulati fi pjan annwali ta’ attivitajiet addizzjonali li jindika l-valur stmat ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. F’konformità mal-Artikolu 4(4) tal-istess Regolament, l-ispejjeż tal-attivitajiet addizzjonali jridu jiġu ċċertifikati minn awditur indipendenti estern u mhumiex suġġetti għall-awditjar mill-Impriża Konġunta, mill-QEA jew minn kwalunkwe korp tal-UE.

(7)  L-Artikolu 13(2) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta FCH 2 (l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 559/2014).

(8)  Aktar informazzjoni dwar l-Impriża Konġunta FCH u l-attivitajiet tagħha hija disponibbli fuq is-sit web tagħha http://www.fch.europa.eu

(9)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(10)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu r-rapporti li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha u n-noti ta’ spjegazzjoni.

(11)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(12)  It-total huwa magħmul mill-kontribuzzjoni ta’ EUR 470 miljun fi flus kontanti mill-UE ffinanzjata mill-programm FP7 u minn kontribuzzjoni ta’ EUR 20 miljun fi flus kontanti li saret minn membri oħra għall-ispejjeż amministrattivi.

(13)  Ir-Rapport Annwali tal-Attività tal-Impriża Konġunta FCH, p. 36.

(14)  Ir-Rapport Annwali tal-Attività tal-Impriża Konġunta FCH, p. 13, it-Tabella 1.1.2.

(15)  Ir-Rapport Annwali tal-Attività tal-Impriża Konġunta FCH, p. 14, it-Tabella 1.1.3.

(16)  It-total huwa magħmul mill-kontribuzzjoni ta’ EUR 665 miljun fi flus kontanti mill-UE ffinanzjata mill-programm Orizzont 2020 u minn kontribuzzjoni ta’ EUR 19-il miljun fi flus kontanti li saret mill-membri tar-raggruppamenti għall-ispejjeż amministrattivi.

(17)  Ir-Rapport Annwali tal-Attività tal-Impriża Konġunta FCH, p. 69 u 74.

(18)  Il-Premessa 4 tar-Regolament (UE) Nru 559/2014 tiddikjara li jenħtieġ li din is-sħubija tkun ibbażata fuq kontribuzzjoni bilanċjata mis-sħab kollha.

(19)  It-total tal-ammont minimu tal-kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet operazzjonali u dawk addizzjonali tal-Impriża Konġunta (EUR 380 miljun) diviż bil-kontribuzzjoni massima fi flus kontanti mill-UE għall-Impriża Konġunta (EUR 570 miljun).

(20)  L-istima tal-mobilizzazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti effettivament imħallsa mill-membri privati (EUR 1,3 miljun), flimkien mal-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri privati (EUR 137,4 miljun) impenjati fil-ftehimiet ta’ għotja ffirmati, u l-kontribuzzjonijiet in natura ċċertifikati għall-attivitajiet addizzjonali (EUR 382,2 miljun), diviżi bil-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti impenjati mill-Kummissjoni fil-ftehimiet ta’ għotja ffirmati (EUR 395,6 miljun).

(21)  L-istima tal-mobilizzazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti effettivament imħallsa mill-membri privati (EUR 1,3 miljun), flimkien mal-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri privati (EUR 137,4 miljun) impenjati fil-ftehimiet ta’ għotja ffirmati, diviżi bil-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti impenjati mill-Kummissjoni fil-ftehimiet ta’ għotja ffirmati (EUR 395,6 miljun).

(22)  L-Artikolu 4(1) u 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 559/2014 jispeċifika li l-membri tal-industrija u tar-riċerka jridu jagħmlu kontribuzzjonijiet totali ta’ mill-inqas EUR 380 miljun tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tal-Impriża Konġunta, li minnhom mill-inqas EUR 285 miljun iridu jikkonsistu fi spejjeż imġarrba minnhom fl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet addizzjonali li ma jkunux fil-pjan ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta.

(23)  Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 559/2014 l-ispiża tal-attivitajiet addizzjonali tiġi ċċertifikata minn awditur indipendenti estern maħtur mill-Impriża Konġunta. Madankollu, l-ispiża għal dawn l-attivitajiet ma għandhiex tkun awditjata mill-Impriża Konġunta jew minn kwalunkwe korp tal-Unjoni.

(24)  Evalwazzjoni finali tal-Impriża Konġunta FCH li topera taħt l-FP7. https://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/fch.pdf

(25)  Evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta FCH 2 (2014-2016) li topera taħt Orizzont 2020 https://ec.europa.eu/research/health/…/imi2_interim_evaluation.pdf

(26)  Evalwazzjonijiet statutorji tal-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 521/2008 dwar l-Impriża Konġunta FCH, u l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 559/2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta FCH 2.

(27)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat: Interim Evaluation of the Joint Undertakings operating under Horizon 2020 (Evalwazzjoni Interim tal-Impriżi Konġunti li joperaw taħt Orizzont 2020) {SWD(2017) 339 final}.

(28)  Ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu: il-ħtieġa li jitjieb ir-rwol tal-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati u tal-korpi konsultattivi; koerenza mal-programmi l-oħra tal-UE; il-ħtieġa li jissaħħu l-proġetti b’Livell ta’ Tħejjija Teknoloġika (TRL) aktar baxx; tissaħħaħ il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi li huma inqas attivi fil-proġetti tal-FCH u titrawwem parteċipazzjoni akbar mir-reġjuni u mill-Istituti ta’ Edukazzjoni Għolja; tingħata assistenza dwar kwistjonijiet finanzjarji (il-possibbiltajiet ta’ finanzjament l-aktar adatti), u appoġġ għall-implimentazzjoni kummerċjali u l-isfruttament aħjar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-UE; titjieb il-komunikazzjoni mal-partijiet interessati, ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, mar-reġjuni u mal-pubbliku biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar it-teknoloġiji tal-FCH.

(29)  L-azzjonijiet speċifiċi inklużi fil-pjan ta’ azzjoni b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwatur jinkludu: ir-rinfurzar u t-tisħiħ tar-rwol tal-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati; iż-żieda fil-parteċipazzjoni tar-reġjuni u tal-bliet; it-titjib tal-interazzjonijiet mal-partijiet interessati esterni għall-fora futuri tagħhom; it-tisħiħ tar-rabtiet mal-Kummissjoni Ewropea biex ikun hemm koordinazzjoni aħjar mal-inizjattivi l-oħra tal-UE; ir-rinfurzar tad-disseminazzjoni u tal-isfruttament tar-riżultati.

(30)  L-attivitajiet li diġà nbdew jinkludu: l-analiżi tal-Programm ta’ Ħidma Pluriennali mal-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati biex jiġu identifikati l-lakuni, u l-indirizzar tal-kollaborazzjoni mar-reġjuni u mal-bliet; l-eżaminar tal-kompiti tal-Uffiċjal Finanzjarju tal-Inġinerija tal-FCH 2 biex jinsabu sinerġiji mal-istrumenti l-oħra tal-UE (b’mod partikolari tal-Faċilità Finanzjarja bil-Qsim tar-Riskju tal-BEI); studju mniedi f’Marzu 2017 biex jiġu esplorati oqsma bl-ogħla valur miżjud fil-katini tal-valur tal-UE; diskussjonijiet fil-livell tal-Bord tat-Tmexxija dwar attivitajiet b’TRL aktar baxx bil-ħsieb li dawn jiġu inklużi fir-reviżjoni li jmiss tal-Programm ta’ Ħidma Pluriennali.

(31)  B’mod partikolari, il-koerenza u l-komplementarjetajiet mal-programmi l-oħra tal-UE fl-oqsma tat-Trasport u l-Enerġija.


ANNESS

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

 

Kunflitti ta’ interess

 

2015

F’Lulju 2015, il-Kummissjoni ħarġet linji gwida lill-Impriżi Konġunti relatati mar-regoli dwar kunflitti ta’ interess, inkluż mudell komuni għad-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess, li jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tinkorpora fil-proċeduri tagħha.

Ikkompletata


IT-TWEĠIBA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

40.   

L-Impriża Konġunta FCH 2 tirrikonoxxi li f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 (1), il-Qorti ma għandha l-ebda dritt li tagħmel awditjar dwar il-kontribuzzjonijiet in natura f’attivitajiet addizzjonali. Tixtieq tenfasizza li l-Impriża Konġunta żviluppat metodoloġija maqbula mill-Bord tat-Tmexxija tagħha fid-9 ta’ Diċembru 2016 (2), li tipprevedi kontrolli robusti għall-ġbir, ir-rapportar u ċ-ċertifikazzjoni ta’ attivitajiet addizzjonali u tinkludi programm ta’ awditjar mudell u ċertifikat ta’ awditjar għaċ-ċertifikazzjoni minn awdituri esterni indipendenti.


(1)  ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108.

(2)  https://www.fch.europa.eu/page/in-kind-additional-activities


14.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 452/57


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għall-Inizjattiva dwar il-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

(2018/C 452/07)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI

1-12

58

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta għall-IMI

1-2

58

Governanza

3-5

58

Objettivi

6

58

Riżorsi

7-11

58

L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni

12

59

OPINJONI

13-25

59

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

14

59

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

15

59

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

16

59

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

17-19

60

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

20-25

60

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

26-36

61

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

26-27

61

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt l-FP7

28-32

61

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

33-36

61

KONTROLLI INTERNI

37-39

62

Qafas ta’ kontroll intern

37-39

62

KWISTJONIJIET OĦRA

40

62

Mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija

40

62

INFORMAZZJONI DWAR L-EVALWAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

41-42

63

ANNESS -

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

64

IR-RISPOSTA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

65

INTRODUZZJONI

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta għall-IMI

1.

L-Impriża Konġunta għall-Inizjattiva dwar il-Mediċini Innovattivi (IMI), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin u bdiet topera b’mod awtonomu fis-16 ta’ Novembru 2009. F’Mejju 2014, il-Kunsill adotta Regolament fundatur ġdid u estenda l-ħajja tal-Impriża Konġunta sal-31 ta’ Diċembru 2024 (2).

2.

L-Impriża Konġunta għall-IMI hija sħubija pubblika-privata għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tas-saħħa. Il-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea (UE), irrappreżentata mill-Kummissjoni, u s-settur farmaċewtiku, irrappreżentat mill-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (EFPIA).

Governanza

3.

L-istruttura ta’ governanza tal-Impriża Konġunta għall-IMI tinkludi l-Bord tat-Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv, il-Kumitat Xjentifiku, il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati, il-Gruppi ta’ Governanza Strateġika u l-Forum tal-Partijiet Interessati.

4.

Il-Bord tat-Tmexxija huwa l-korp deċiżjonali prinċipali u huwa responsabbli mill-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta u mis-sorveljanza tal-attivitajiet tagħha. Il-Bord huwa magħmul minn 10 membri li jirrappreżentaw iż-żewġ membri fundaturi b’mod ugwali. Id-Direttur Eżekuttiv huwa responsabbli mit-tmexxija ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta.

5.

Il-Kumitat Xjentifiku, il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati, il-Gruppi ta’ Governanza Strateġika u l-Forum tal-Partijiet Interessati huma korpi konsultattivi. Il-Kumitat Xjentifiku huwa magħmul minn esperti xjentifiċi li ġejjin minn oqsma differenti u jipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-Bord tat-Tmexxija. Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati, li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi assoċjati mal-programmi ta’ riċerka tal-UE, jipprovdi opinjonijiet strateġiċi lill-Bord tat-Tmexxija. Il-Gruppi ta’ Governanza Strateġika, li jinkludu rappreżentanti ta’ kumpaniji farmaċewtiċi, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kumitat Xjentifiku, jikkoordinaw il-proġetti tal-IMI bejniethom kif ukoll mal-programmi ta’ riċerka aktar ġenerali tal-UE. II-Forum tal-Partijiet Interessati huwa avveniment annwali, fejn il-partijiet interessati tal-IMI jiddiskutu dwar l-attivitajiet u l-pjanijiet l-aktar reċenti tal-IMI.

Objettivi

6.

L-objettiv tal-Impriża Konġunta għall-IMI huwa li ttejjeb is-saħħa billi tħaffef l-iżvilupp ta’ mediċini innovattivi, u l-aċċess tal-pazjenti għalihom, b’mod partikolari f’oqsma fejn hemm ħtieġa medika jew soċjali mhux issodisfata. L-Impriża Konġunta tfittex li tiffaċilita l-kollaborazzjoni bejn l-atturi ewlenin fir-riċerka fil-qasam tal-kura tas-saħħa, inklużi universitajiet, l-industrija farmaċewtika u industriji oħra, intrapriżi żgħar u medji (SMEs), organizzazzjonijiet tal-pazjenti u regolaturi tal-mediċini.

Riżorsi

7.

Il-kontribuzzjoni massima mill-UE għall-attivitajiet tal-programm IMI1 (2008-2013) hija ta’ EUR 1 biljun, iffinanzjata mis-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7) (3). Il-kontribuzzjonijiet mill-membri tas-settur farmaċewtiku jridu jkunu ugwali għall-kontribuzzjoni mill-UE.

8.

Il-kontribuzzjoni massima mill-UE għall-attivitajiet tal-programm IMI2 (2014-2024) hija ta’ EUR 1 638 miljun, li għandha tiġi ffinanzjata mill-programm Orizzont 2020. Minn dan l-ammont, massimu ta’ EUR 1 425 miljun jistgħu jintużaw biex jippareġġjaw il-kontribuzzjoni mill-EFPIA, u sa EUR 213-il miljun jistgħu jintużaw biex jippareġġaw il-kontribuzzjonijiet mingħand kumpaniji u universitajiet oħra li jiddeċiedu li jissieħbu fl-Impriża Konġunta għall-IMI bħala membri u bħala sħab assoċjati (4).

9.

L-EFPIA għandha tikkontribwixxi riżorsi ta’ mill-inqas EUR 1 452 miljun għall-ispejjeż operazzjonali u amministrattivi tal-Impriża Konġunta. Membri jew sħab assoċjati futuri oħra tal-programm IMI2 għandhom jikkontribwixxu riżorsi li jikkorrispondu għall-ammonti li impenjaw meta saru membru jew sieħeb assoċjat.

10.

L-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta huma limitati għal EUR 85,2 miljun, li għandhom jiġu koperti mill-kontribuzzjonijiet tal-membri fi flus kontanti, u li jinqasmu ta’ kull sena b’mod ugwali bejn l-UE u l-membri tal-industrija (5).

11.

Fl-2017, il-baġit finali tal-Impriża Konġunta għall- IMI kien ta’ EUR 206,4 miljun (2016: EUR 263,4 miljun). Fil-31 ta’ Diċembru 2017, l-Impriża Konġunta kellha 49 membru tal-persunal impjegati magħha (2016: 41) (6).

L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni

12.

F’Ġunju 2017 il-Kummissjoni kkompletat l-evalwazzjoni finali tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta taħt l-FP7 u l-evalwazzjoni interim tal-attivitajiet tagħha taħt Orizzont 2020. Dawn ġew segwiti minn pjanijiet ta’ azzjoni rispettivi mħejjija mill-Impriża Konġunta biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet li saru fl-evalwazzjonijiet. Din id-darba, aħna inkludejna taqsima li hija relatata mal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-Impriża Konġunta b’rispons għall-evalwazzjonijiet, u li hija intenzjonata biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma tiffurmax parti mill-opinjoni jew mill-osservazzjonijiet tal-awditjar tagħna.

OPINJONI

13.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet tal-Impriża Konġunta, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (7) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (8) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta’ Diċembru 2017, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. Dawn huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

15.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

16.

Fl-opinjoni tagħna, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

17.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-maniġment tal-Impriża Konġunta jerfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet.

18.

Fit-tħejjija tal-kontijiet, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-Impriża Konġunta li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga, kif applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat.

19.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-entità.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

20.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-Imprża Konġunta jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew lil awtoritajiet ta’ kwittanza rispettivi oħra b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li awditu dejjem se jaqbad dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet.

21.

Awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqies il-kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi, iżda mhux bl-iskop li tingħata opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll intern. Awditu jinkludi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi li jsiru mill-maniġment u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

22.

Għad-dħul, aħna nivverifikaw is-sussidju li jiġi riċevut mingħand il-Kummissjoni u nivvalutaw il-proċeduri tal-Impriża Konġunta għall-ġbir ta’ tariffi u ta’ introjtu ieħor.

23.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti (inklużi dawk li jkunu saru għax-xiri ta’ assi) minbarra pagamenti bil-quddiem fil-punt meta jsiru.

24.

Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport u l-opinjoni, aħna qisna x-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet tal-Impriża Konġunta kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (9).

25.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-QEA.

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

26.

Il-baġit finali għall-2017 li kien disponibbli għall-implimentazzjoni tal-programmi taħt l-FP7 u Orizzont 2020 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 322,4 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 206,4 miljun. Ir-rati ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienu ta’ 97 % u 72 %, rispettivament. Ir-rata baxxa ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet prinċipalment dovuta għat-tnaqqis jew il-posponiment ta’ provi kliniċi fi ħdan ċerti proġetti kbar u kumplessi tal-programm Reżistenza għall-Antimikrobiċi u l-programm Ebola kif ukoll għal dewmien fil-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ għotja għal sejħiet taħt Orizzont 2020.

27.

Lejn tmiem l-2017, l-approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati minn snin preċedenti ammontaw għal EUR 78,7 miljun. Konsegwentement, f’Lulju 2017, il-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta approva li l-approprjazzjonijiet ta’ pagament operazzjonali l-ġodda tas-sena jitnaqqsu b’EUR 56 miljun (10), u f’Novembru 2017 approva li l-approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati akkumulati minn snin preċedenti jitnaqqsu b’EUR 25,8 miljun. Din is-sitwazzjoni turi li matul dawn l-aħħar snin, kien hemm dgħufijiet waqt l-ippjanar u l-monitoraġġ tal-ħtieġa għal approprjazzjonijiet ġodda ta’ pagament.

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt l-FP7

28.

Mill-ammont massimu ta’ EUR 1 biljun f’fondi taħt l-FP7 li ġew allokati għall-Impriża Konġunta għall-IMI, l-UE kienet ikkontribwiet total ta’ EUR 827,2 miljun fi flus kontanti għall-implimentazzjoni ta’ IMI 1, sa tmiem l-2017.

29.

Mill-kontribuzzjonijiet ta’ EUR 1 biljun li għandhom isiru mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta għall-IMI, din kienet ivvalidat kontribuzzjonijiet in natura ta’ EUR 529,9 miljun u kontribuzzjonijiet ta’ EUR 21,9 miljun fi flus kontanti, sa tmiem l-2017. Il-membru tal-industrija ddikjara ammont ieħor ta’ EUR 153,3 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura, li se jiġi vvalidat fil-bidu tal-2018.

30.

Konsegwentement, fi tmiem l-2017, il-kontribuzzjonijiet totali in natura u fi flus kontanti li saru mill-membri tal-industrija ammontaw għal EUR 705,1 miljun, filwaqt li l-kontribuzzjoni kumulattiva fi flus kontanti mill-UE għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta għall-IMI, taħt l-FP7, ammontat għal EUR 827,2 miljun.

31.

Mill-baġit totali ta’ EUR 1 biljun għall-attivitajiet operazzjonali u amministrattivi tal-IMI 1, din kienet għamlet impenji ta’ EUR 966 miljun (96,6 % tal-baġit disponibbli) u pagamenti ta’ EUR 720 miljun, sa tmiem l-2017.

32.

Il-livell għoli ta’ pagamenti pendenti ta’ EUR 246 miljun (25 %) kien prinċipalment dovut għall-bidu tardiv tal-attivitajiet taħt l-FP7 matul l-ewwel snin tal-Impriża Konġunta għall-IMI.

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

33.

Mill-ammont massimu ta’ EUR 1 638 miljun f’fondi taħt Orizzont 2020 li ġew allokati għall-Impriża Konġunta għall-IMI, l-UE kienet ikkontribwiet total ta’ EUR 157,3 miljun fi flus kontanti għall-implimentazzjoni tal-IMI 2, sa tmiem l-2017.

34.

L-EFPIA impenjat lilha nfisha biex, tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħha, tagħti tal-inqas EUR 1 425 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura u fi flus kontanti għall-attivitajiet operazzjonali u amministrattivi tal-Impriża Konġunta taħt Orizzont 2020. Fi tmiem l-2017, l-EFPIA u s-sħab assoċjati tagħha rrappurtaw kontribuzzjonijiet in natura ta’ EUR 132,8 miljun li minnhom EUR 82,5 miljun kienu ġew ivvalidati. Barra minn hekk, id-Direttur Eżekuttiv kien ivvalida kontribuzzjonijiet ta’ EUR 7,6 miljun fi flus kontanti mill-membri tal-industrija (EFPIA u sħab assoċjati).

35.

Konsegwentement, sa tmiem l-2017, il-kontribuzzjonijiet totali li saru mill-membri tal-industrija ammontaw għal EUR 140,4 miljun, filwaqt li l-kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-UE ammontat għal EUR 157,3 miljun.

36.

Mill-baġit massimu ta’ EUR 1 680 (11) miljun (12) għall-attivitajiet operazzjonali u amministrattivi tal-Impriża Konġunta, din kienet għamlet impenji ta’ EUR 819,0 miljun u pagamenti ta’ EUR 179,6 miljun, sa tmiem l-2017. Il-livell relattivament baxx ta’ pagamenti huwa prinċipalment dovut għaż-żmien meħtieġ mill-konsorzji ta’ proġetti biex jikkonkludu ftehimiet ta’ għotja taħt il-programm Orizzont 2020, li dewwem il-pagamenti ta’ prefinanzjament ippjanati tal-Impriża Konġunta għas-sena.

KONTROLLI INTERNI

Qafas ta’ kontroll intern

37.

L-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri affidabbli ta’ kontroll ex ante bbażati fuq analiżijiet dokumentarji finanzjarji u operazzjonali. Għal pagamenti interim u finali taħt l-FP7, l-Impriża Konġunta twettaq awditi ex post għand il-benefiċjarji, filwaqt li għal klejms għall-ispejjeż ta’ proġetti taħt Orizzont 2020, is-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-awditi ex post. Ir-rati tal-iżball residwu għall-awditi ex post li ġew irrappurtati mill-Impriża Konġunta fi tmiem l-2017 kienu ta’ 1,29 % għall-FP7 u ta’ 0,81 % għal Orizzont 2020 (13).

38.

Ibbażat fuq valutazzjoni tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta, fuq ittestjar sostantiv tal-operazzjonijiet ta’ dħul, ta’ pagamenti, ta’ għotjiet u ta’ akkwist, kif ukoll fuq analiżi ta’ kampjun ta’ awditi ex post finalizzati, inklużi ta’ rkupri li rriżultaw mill-iżbalji li nqabdu, ir-riżultati tal-awditjar ipprovdewlna aċċertament raġonevoli li r-rata kumplessiva tal-iżball residwu għall-Impriża Konġunta hija taħt il-livell ta’ materjalità.

39.

Fi tmiem l-2017, iċ-Ċentru ta’ Appoġġ Komuni (CAS) tal-Kummissjoni kien għadu ma temmx l-iżviluppi speċifiċi fl-għodod għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-għotjiet taħt il-programm Orizzont 2020 biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ rappurtar u ta’ pproċessar għall-kontribuzzjonijiet in natura tal-Impriża Konġunta.

KWISTJONIJIET OĦRA

Mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija

40.

Wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li timmobilizza l-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-membri tal-industrija fil-qasam tal-attivitajiet tagħha (14). Il-fattur minimu ta’ mobilizzazzjoni li għandu jinkiseb skont ir-Regolament fundatur tal-Impriża Konġunta huwa ta’ 1 (15).

INFORMAZZJONI DWAR L-EVALWAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

41.

L-Evalwazzjoni Finali tal-Impriża Konġunta għall-IMI li l-Kummissjoni wettqet fil-kuntest tal-FP7 kienet tkopri l-perjodu bejn l-2008 u l-2016 (16), filwaqt li l-Evalwazzjoni Interim tal-Impriża Konġunta IMI 2 fil-kuntest tal-H2020 kienet tkopri l-perjodu mill-2014 sal-2016 (17). L-evalwazzjonijiet twettqu bl-assistenza ta’ esperti indipendenti kif previst fir-Regolamenti tal-Kunsill dwar l-IMI (18), u koprew il-prestazzjoni tal-Impriża Konġunta f’termini ta’ rilevanza, effiċjenza, effettività, koerenza, u valur miżjud tal-UE, filwaqt li ttieħdu wkoll inkunsiderazzjoni t-trasparenza u l-kwalità tar-riċerka. Il-Kummissjoni qieset ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet fir-rapport li bagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Ottubru 2017 (19).

42.

B’rispons għar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-evalwaturi (20), l-Impriża Konġunta ħejjiet Pjan ta’ Azzjoni li ġie approvat mill-Bord tat-Tmexxija tal-IMI 2 f’Novembru 2017. Il-pjan ta’ azzjoni jinkludi sett wiesa’ ta’ azzjonijiet li jridu jiġu implimentati mill-Impriża Konġunta (21). Għal xi wħud minnhom diġà nbdew ċerti attivitajiet (22), il-maġġoranza tagħhom huma mistennija li jiġu implimentati fl-2018 u fl-2019, filwaqt li għadd żgħir minnhom se jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss (23).

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Neven MATES, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 38).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 54).

(3)  L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2008.

(4)  L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 557/2014.

(5)  L-Artikolu 13(2) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta IMI2 (l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 557/2014).

(6)  Aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta hija disponibbli fuq is-sit web tagħha: https://www.imi.europa.eu.

(7)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(8)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu r-rapporti li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha u n-noti ta’ spjegazzjoni.

(9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(10)  L-ewwel emenda tal-baġit għall-2017.

(11)  EUR 1 638 miljun biex ikopru l-ispejjeż amministrattivi u operazzjonali (l-Artikolu 3 tar-Regolament IMI2) flimkien ma’ nofs EUR 85 miljun (kontribuzzjoni fi flus kontanti – l-Artikolu 13, l-Anness tar-Regolament IMI2).

(12)  Dan l-ammont jinkludi l-kontribuzzjoni massima fi flus kontanti mill-UE għall-ispejjeż operazzjonali u amministrattivi tal-Impriża Konġunta u l-kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-membri tal-industrija għall-ispejjeż amministrattivi tagħha.

(13)  Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2017 tal-Impriża Konġunta għall-IMI, p. 103-104.

(14)  Il-Premessa 4 tar-Regolament (UE) Nru 557/2014 tiddikjara li jenħtieġ li din is-sħubija tkun ibbażata fuq kontribuzzjoni bilanċjata mis-sħab kollha.

(15)  L-ammont minimu tal-kontribuzzjonijiet in natura mill-membru tal-industrija (EFPIA) għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta (EUR 1 425 miljun) diviż bil-kontribuzzjoni massima fi flus kontanti mill-UE għall-Impriża Konġunta (EUR 1 425 miljun). Irid jiġi nnutat li, f’konformità mal-istatuti tal-IMI 2, il-membri tal-industrija ma jipprovdux kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali li ma jkunux fil-programm ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta.

(16)  Evalwazzjoni finali tal-Impriża Konġunta għall-IMI li topera taħt l-FP7: https://ec.europa.eu/research/health/pdf/imi_final_evaluation.pdf.

(17)  Evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta IMI 2 (2014-2016) li topera taħt Orizzont 2020: https://ec.europa.eu/research/health/pdf/imi2_interim_evaluation.pdf.

(18)  Evalwazzjonijiet statutorji tal-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 73/2008 dwar l-Impriża Konġunta għall-IMI, u l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 557/2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta IMI 2.

(19)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat: Interim Evaluation of the Joint Undertakings operating under Horizon 2020 (Evalwazzjoni Interim tal-Impriżi Konġunti li joperaw taħt Orizzont 2020) {SWD(2017) 339 final}.

(20)  Ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-evalwaturi jinkludu: il-ħtieġa li jiġu integrati industriji oħra minbarra l-industrija farmaċewtika fi proġetti kollaborattivi; il-ħtieġa li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs u tal-EU 13; il-ħtieġa li jiġi żviluppat Qafas għall-Kejl tal-Prestazzjoni kompatibbli mal-obbligu ta’ rendikont biex jiġu vvalutati l-impatti u l-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-Impriża Konġunta; il-ħtieġa li jsir rieżaminar tal-politika dwar id-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali; il-ħtieġa li jitjieb u jitwessa’ l-aċċess għall-eżiti tal-proġetti, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà u jiżdied l-impatt.

(21)  L-azzjonijiet speċifiċi ppreżentati fil-pjan ta’ azzjoni għall-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwatur jinkludu: li jiġu identifikati u żviluppati suġġetti li jkunu aktar adattati għall-SMEs; li tiġi żviluppata paġna web għall-IMI 2 li tidentifika l-assi importanti kollha ġġenerati minn proġetti tal-IMI sabiex tiġi ffaċilitata d-disseminazzjoni u jsir aktar sfruttament tagħhom; li jintalbu pariri dwar l-aħjar mod kif tiġi żgurata s-sostenibbiltà ta’ outputs/eżiti ta’ valur li jirriżultaw minn proġetti tal-IMI; li jiġu investigati l-fattibbiltà u l-valur miżjud potenzjali ta’ pjattaforma ta’ medjazzjoni sabiex jiġi stimulat l-użu tar-riżultati tal-proġetti.

(22)  L-attivitajiet li diġà nbdew jinkludu: l-iżvilupp ta’ webinars speċifiċi biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-attivitajiet tal-Impriża Konġunta (https://www.imi.europa.eu/news-events/events/webinars-imi2-call-13); katalogu ta’ għodod aċċessibbli ġġenerati minn proġetti tal-IMI għall-promozzjoni tad-disseminazzjoni, u l-isfruttament ulterjuri tar-riżultati tal-proġetti kif ukoll għat-tkabbir tal-impatt (is-sit web tal-Impriża Konġunta IMI 2); sett ġdid ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jkunu rilevanti, aċċettati, kredibbli, sempliċi u robusti, u li jridu jiġu pprovduti mis-sena finanzjarja 2018 ’il quddiem (ara l-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-IMI 2 fil-verżjoni emendata tiegħu ta’ Marzu 2018).

(23)  Ir-rieżaminar tal-politika dwar id-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali biex din issir aktar flessibbli filwaqt li tirrispetta l-Qafas Legali.


ANNESS

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-QEA

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti)

 

Ġestjoni tal-għotjiet taħt Orizzont 2020

 

2016

Fi tmiem l-2016 – it-tielet sena ta’ implimentazzjoni tal-programm Orizzont 2020 – l-Impriża Konġunta kienet ikkompletat parzjalment biss l-integrazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll tagħha mal-għodod komuni tal-Kummissjoni għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-għotjiet, taħt il-programm Orizzont 2020.

Ikkompletata

 

Kontrolli u monitoraġġ ex ante tal-klejms għall-ispejjeż

 

2016

L-Impriża Konġunta esperjenzat xi dewmien fit-twettiq tal-pagamenti lill-benefiċjarji (universitajiet, organizzazzjonijiet ta’ riċerka u SMEs). Dan jindika dgħufijiet fil-proċeduri ta’ kontroll intern u ta’ monitoraġġ għar-rapporti tal-proġetti u l-klejms għall-ispejjeż relatati, li affettwaw l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-proġetti b’mod negattiv.

Ikkompletata


IT-TWEĠIBA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

27.   

Il-proċess ta’ previżjoni skont il-proċedura baġitarja annwali tal-Kummissjoni jibda sentejn qabel. L-Impriża Konġunta IMI2 hija mitluba tipprovdi previżjoni għal approprjazzjonijiet ta’ pagament f’Jannar tas-sena N-2, fi żmien meta l-ħtiġijiet tal-futur ma jkunux jistgħu jiġu identifikati b’akkuratezza u bi preċiżjoni sħiħa. F’Jannar tas-sena N-1, l-approprjazzjonijiet ta’ pagament jiġu rreġistrati fil-“Fiche Financière” tal-Kummissjoni li tifforma l-bażi tal-proċedura baġitarja annwali tal-Kummissjoni.

Il-proċess baġitarju stabbilit ma jippermettix adattamenti anke jekk l-Impriża Konġunta IMI2 tirrevedi l-previżjoni tagħha fis-sena N-1 skont il-bidliet attwali fil-portafoll tal-proġett. Iċ-ċifri rreġistrati fil-“Fiche Financière” tal-Kummissjoni ma jistgħux jinbidlu qabel l-adozzjoni tal-baġit annwali tal-Kummissjoni li jmiss.

39.   

Bi qbil mas-Servizz tal-Awditjar Intern, l-Impriża Konġunta IMI2 qed timplimenta pjan ta’ azzjoni. L-Impriża Konġunta IMI2 qed tikkollabora maċ-Ċentru ta’ Appoġġ Komuni tal-Kummissjoni fl-analiżi tal-opzjonijiet possibbli tal-migrazzjoni tar-rappurtar tal-kontribuzzjoni in natura tal-industrja fl-għodod tal-H2020 u fit-tiftix għal soluzzjonijiet effettivi bil-ħsieb tal-kontinwità tat-tip ta’ strutturi ta’ rappurtar tal-H2020 taħt Orizzont Ewropa.


14.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 452/66


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

(2018/C 452/08)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI

1-12

67

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta SESAR

1-2

67

Governanza

3-4

67

Objettivi

5-7

67

Riżorsi

8-11

68

L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni

12

68

OPINJONI

13-25

68

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

14

68

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

15

69

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

16

69

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

17-19

69

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

20-25

69

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

26-37

70

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

26-28

70

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt l-FP7 u t-TEN-T

29-33

70

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

34-37

71

KONTROLLI INTERNI

38-42

71

Qafas ta’ kontroll intern

38-41

71

Proċeduri ta’ akkwist

42

72

KWISTJONIJIET OĦRA

43

72

Mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-membri l-oħra ta’ SESAR 2020

43

72

INFORMAZZJONI DWAR L-EVALWAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

44-47

72

ANNESS —

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

74

IR-RISPOSTA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

75

INTRODUZZJONI

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta SESAR

1.

L-Impriża Konġunta għar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), li tinsab fi Brussell, twaqqfet fi Frar 2007 għal perjodu ta’ tmien snin u bdiet taħdem b’mod awtonomu fl-10 ta’ Awwissu 2007 (1). F’Ġunju 2014, il-Kunsill emenda r-Regolament fundatur u estenda t-tul ta’ ħajja tal-Impriża Konġunta sal-31 ta’ Diċembru 2024 (2).

2.

L-Impriża Konġunta SESAR hija sħubija pubblika-privata għall-iżvilupp u t-twaqqif tal-ġestjoni mmodernizzat tat-traffiku tal-ajru (ATM) fl-Ewropa. Il-membri fundaturi huma l-Unjoni Ewropea (UE), irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol) (3). Wara sejħa għal espressjonijiet ta’ interess, 19-il entità pubblika u privata mis-settur tal-avjazzjoni saru membri tal-Impriża Konġunta. Dawn jinkludu manifatturi ta’ inġenji tal-ajru, manifatturi ta’ tagħmir tal-art u tal-ajru, fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u awtoritajiet tal-ajruporti.

Governanza

3.

L-istruttura ta’ governanza tal-Impriża Konġunta SESAR tinkludi l-Bord Amministrattiv u d-Direttur Eżekuttiv.

4.

Il-Bord Amministrattiv huwa magħmul minn rappreżentanti mill-membri tal-Impriża Konġunta SESAR, flimkien ma’ Rappreżentanti mill-Partijiet Interessati (għall-militar, l-utenti ċivili tal-ispazju tal-ajru, il-fornituri tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, il-manifatturi tat-tagħmir, l-ajruporti, il-persunal fis-settur tal-ATM, u l-komunità xjentifika). Il-Bord huwa responsabbli għall-adozzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM approvat mill-Kunsill u għall-eżerċitar ta’ kontroll ġenerali fuq l-implimentazzjoni tal-proġett SESAR. Id-Direttur Eżekuttiv huwa responsabbli għat-tmexxija ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta.

Objettivi

5.

Il-proġett SESAR għandu l-għan li jimmodernizza l-ATM fl-Ewropa billi jiddefinixxi, jiżviluppa u jwassal teknoloġiji u proċeduri ġodda jew imtejbin. Il-proġett huwa maqsum fi tliet fażijiet:

“Fażi ta’ definizzjoni” (2004–2007) immexxija mill-Eurocontrol u kkofinanzjata mill-programm tan-Netwerk Trans-Ewropew (TEN-T). L-eżitu kien il-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM, li jiddefinixxi l-kontenut u jiddeskrivi l-iżvilupp u t-twaqqif tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ sistema ġdida tal-ATM.

“Fażi ta’ żvilupp” b’żewġ termini (2008–2013, estiża sal-2016) immaniġġjata mill-Impriża Konġunta SESAR, ikkofinanzjata mill-programm TEN-T u mis-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7), u mill-14, ikkofinanzjata wkoll mill-programm Orizzont 2020.

“Fażi ta’ twaqqif” (2014–2024) li għandha titmexxa mill-industrija tat-traffiku tal-ajru u mill-partijiet interessati, għall-produzzjoni u l-implimentazzjoni fuq skala kbira tal-infrastruttura l-ġdida tal-ATM, b’kofinanzjament mill-programm Orizzont 2020.

6.

L-objettiv tal-Impriża Konġunta SESAR taħt il-programmi FP7 u TEN-T kien li timmodernizza u żżid is-sikurezza tal-ATM fl-Ewropa billi tikkoordina u tikkonċentra l-isforzi rilevanti kollha ta’ riċerka u żvilupp fl-UE, għall-produzzjoni ta’ sistemi teknoloġiċi, komponenti u proċeduri operazzjonali ġodda kif iddefinit fil-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM (SESAR I — fażi ta’ żvilupp mill-2008–2016).

7.

Taħt Orizzont 2020, l-Impriża Konġunta SESAR timplimenta l-programm SESAR 2020 bl-objettiv li turi l-vijabbiltà tas-soluzzjonijiet teknoloġiċi u operazzjonali, li diġà ġew żviluppati taħt SESAR I, f’ambjenti usa’ u aktar integrati fil-livell operazzjonali (kontinwazzjoni tal-fażi ta’ żvilupp), u li timplimenta l-infrastruttura l-ġdida tal-ATM (fażi ta’ twaqqif).

Riżorsi

8.

Il-baġit għall-fażi ta’ żvilupp tal-Programm SESAR I 2008–2016 kien ta’ EUR 2 100 miljun, li kellu jiġi pprovdut f’partijiet ugwali mill-UE, mill-Eurocontrol u mis-sħab pubbliċi u privati parteċipanti mis-settur tat-traffiku tal-ajru. Il-kontribuzzjoni mill-UE ta’ massimu ta’ EUR 700 miljun ġiet iffinanzjata mill-programmi FP7 u TEN-T (4).

9.

Ir-Regolament fundatur tas-SESAR jistma li l-ispejjeż totali għal SESAR 2020 huma ta’ EUR 1 585 miljun (5). Il-kontribuzzjoni massima mill-UE għall-Impriża Konġunta SESAR, għall-implimentazzjoni tal-programm dwar l-iżvilupp u t-twaqqif ta’ SESAR 2020 għall-perjodu 2017–2024, hija ta’ EUR 585 miljun, li għandha tiġi ffinanzjata minn Orizzont 2020 (6). Il-Eurocontrol għandha tikkontribwixxi madwar EUR 500 miljun (7), filwaqt li s-settur tat-traffiku tal-ajru huwa mistenni li jikkontribwixxi EUR 500 miljun għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta. Madwar 95 % tal-kontribuzzjonijiet mogħtija mill-Eurocontrol għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta u mill-membri l-oħra huma fl-għamla ta’ kontribuzzjonijiet in natura.

10.

Fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta, il-Bord Amministrattiv jiddeċiedi dwar l-ammonti li kull membru jrid jirrilaxxa fi proporzjon mal-kontribuzzjonijiet li jkun qabel li jħallas u jistabbilixxi d-dati ta’ skadenza sa meta l-membri jridu jħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom.

11.

Fl-2017, il-baġit finali tal-Impriża Konġunta SESAR għal SESAR I u SESAR 2020 kien ta’ EUR 191,8 miljun (2016: EUR 157,1 miljun). Fil-31 ta’ Diċembru 2017, l-Impriża Konġunta kellha 40 membru tal-persunal impjegati magħha (2016: 44).

L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni

12.

F’Ġunju 2017 il-Kummissjoni kkompletat l-evalwazzjoni finali tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta taħt l-FP7 u l-evalwazzjoni interim tal-attivitajiet tagħha taħt Orizzont 2020. Dawn ġew segwiti minn pjanijiet ta’ azzjoni rispettivi mħejjija mill-Impriża Konġunta biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet li saru fl-evalwazzjonijiet. Din id-darba, aħna inkludejna taqsima li hija relatata mal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-Impriża Konġunta b’rispons għall-evalwazzjonijiet, u li hija intenzjonata biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma tiffurmax parti mill-opinjoni jew mill-osservazzjonijiet tal-awditjar tagħna.

OPINJONI

13.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet tal-Impriża Konġunta, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (8) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (9) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta’ Diċembru 2017, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. Dawn huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

15.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

16.

Fl-opinjoni tagħna, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

17.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-maniġment tal-Impriża Konġunta jerfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet.

18.

Fit-tħejjija tal-kontijiet, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-Impriża Konġunta li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga, kif applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat.

19.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-entità.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

20.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-Impriża Konġunta jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew lil awtoritajiet ta’ kwittanza rispettivi oħra b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li awditu dejjem se jaqbad dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet.

21.

Awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqies il-kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi, iżda mhux bl-iskop li tingħata opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll intern. Awditu jinkludi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi li jsiru mill-maniġment u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

22.

Għad-dħul, aħna nivverifikaw is-sussidju li jiġi riċevut mingħand il-Kummissjoni u nivvalutaw il-proċeduri tal-Impriża Konġunta għall-ġbir ta’ tariffi u ta’ introjtu ieħor.

23.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti (inklużi dawk li jkunu saru għax-xiri ta’ assi) fil-punt meta jsiru.

24.

Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport u l-opinjoni, aħna qisna x-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet tal-Impriża Konġunta kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (10).

25.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-QEA.

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

26.

B’kont meħud tal-approprjazzjonijiet ta’ dħul assenjat (EUR 18-il miljun), il-baġit disponibbli għall-2017 għal SESAR I kien ta’ EUR 19,3 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ EUR 121,8 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament; u l-baġit disponibbli għall-2017 għal SESAR 2020 kien ta’ EUR 111,7 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ EUR 91,2 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament.

27.

Ir-rati ta’ implimentazzjoni għal approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament għal SESAR I kienu ta’ 11 % u 68 %, rispettivament. Ir-rati baxxi ta’ implimentazzjoni għal SESAR I kienu kkawżati mill-fatturi li ġejjin:

F’Diċembru 2016, il-programm SESAR I ingħalaq formalment u l-aħħar pagament sar f’Diċembru 2017. Minkejja dan, sa tmiem l-2017, l-Impriża Konġunta kellha tiżgura li kellha fondi suffiċjenti taħt l-FP7 għar-rimborż tal-kontribuzzjonijiet żejda fi flus kontanti li hija rċeviet mill-membri tal-industrija ta’ SESAR I (11) u għall-pagament ta’ klejms għall-ispejjeż li ġew ippreżentati tard iżda li xorta kienu ġġustifikati għal proġetti taħt l-FP7 li kienu għadhom għaddejjin.

Fl-ippjanar u l-monitoraġġ tal-ħtieġa tagħha għal approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament ġodda għall-baġit ta’ SESAR I, l-Impriża Konġunta ħadet approċċ konservattiv u ma kinitx qieset id-dħul assenjat mistenni ta’ madwar EUR 17-il miljun, li kien ġej minn irkupri għal proġetti ta’ SESAR I (jiġifieri korrezzjonijiet ta’ żbalji b’segwitu għal awditjar ex post, prefinanzjamenti miftuħa pendenti, eċċ.).

28.

Ir-rati ta’ implimentazzjoni għal approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament għal SESAR 2020 kienu ta’ 92 % u 68 %, rispettivament. Ir-rata ta’ implimentazzjoni aktar baxxa milli mistenni għal approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet prinċipalment dovuta għad-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ proġetti taħt Orizzont 2020 li twettqu mill-membri tal-industrija u għall-ippjanar pjuttost konservattiv tal-baġit meta jitqies ir-riskju li l-ftehimiet ta’ delega tal-implimentazzjoni finanzjarja annwali jdumu ma jaslu.

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt l-FP7 u t-TEN-T

29.

Mill-ammont massimu ta’ EUR 700 miljun f’fondi taħt l-FP7 li ġew allokati għall-Impriża Konġunta SESAR għall-implimentazzjoni ta’ SESAR I, l-UE kienet ikkontribwiet total ta’ EUR 633,9 miljun fi flus kontanti, sa tmiem l-2017.

30.

Mill-ammont ta’ EUR 1 254,5 miljun ta’ kontribuzzjonijiet in natura u kontribuzzjonijiet fi flus kontanti li għandhom isiru mill-membri l-oħra għall-attivitajiet relatati ma’ SESAR I tal-Impriża Konġunta SESAR (EUR 670,2 miljun mill-Eurocontrol u EUR 584,3 miljun mill-membri tas-settur tat-traffiku tal-ajru), sa tmiem l-2017 l-Impriża Konġunta kienet ivvalidat kontribuzzjonijiet ta’ EUR 560,7 miljun mill-Eurocontrol u EUR 539,2 miljun mis-settur tat-traffiku tal-ajru.

31.

Konsegwentement, sa tmiem l-2017, il-kontribuzzjoni totali mill-membri l-oħra ta’ SESAR I ammontat għal EUR 1 099,9 miljun, filwaqt li l-kontribuzzjoni kumulattiva fi flus kontanti mill-UE ammontat għal EUR 633,9 miljun.

32.

Mill-baġit totali ta’ EUR 892,8 miljun għall-attivitajiet operazzjonali u amministrattivi ta’ SESAR I (12), l-Impriża Konġunta SESAR kienet għamlet impenji ta’ EUR 853 miljun u pagamenti ta’ EUR 801 miljun (89,7 % tal-baġit disponibbli), sa tmiem l-2017.

33.

Fi tmiem l-2017, u meta l-programm SESAR I kien fil-fażi ta’ għeluq, l-Impriża Konġunta kellha tannulla EUR 30 miljun (19 %) f’impenji pendenti minħabba l-aġġustament jew il-kanċellazzjoni ta’ proġetti taħt SESAR I. Konsegwentement, fi tmiem is-sena l-obbligazzjonijiet ta’ pagament tal-Impriża Konġunta li kienu għadhom miftuħa għal għotjiet relatati ma’ SESAR I kienu jammontaw għal madwar EUR 47 miljun.

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

34.

Mill-ammont massimu ta’ EUR 585 miljun f’fondi taħt Orizzont 2020 li ġew allokati għall-Impriża Konġunta SESAR għall-implimentazzjoni ta’ SESAR 2020, l-UE kienet ikkontribwiet total ta’ EUR 132,9 miljun fi flus kontanti, sa tmiem l-2017.

35.

Il-membri l-oħra impenjaw lilhom infushom li jagħmlu kontribuzzjonijiet in natura u fi flus kontanti ta’ mill-inqas EUR 825,9 miljun għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta għal SESAR 2020 (madwar EUR 500 miljun mill-Eurocontrol u ammont stmat ta’ EUR 325,9 miljun mis-settur tat-traffiku tal-ajru). Fi tmiem l-2017, il-membri l-oħra kienu rrappurtaw ammont ta’ EUR 97,3 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura. Madankollu, minħabba l-fatt li fl-2017 il-proġetti taħt SESAR 2020 kienu għadhom fil-bidu tagħhom, ma kinux ġew ivvalidati mill-Bord Amministrattiv. Barra minn hekk, il-Eurocontrol ikkontribwixxa EUR 6,7 miljun fi flus kontanti għall-ispiża amministrattiva tal-Impriża Konġunta.

36.

Konsegwentement, sa tmiem l-2017, il-kontribuzzjonijiet totali mis-settur tat-traffiku tal-ajru u mill-Eurocontrol ammontaw għal EUR 104 miljun, filwaqt li l-kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-UE ammontat għal EUR 132,9 miljun.

37.

Mill-baġit massimu ta’ EUR 639,8 miljun għall-attivitajiet operazzjonali u amministrattivi ta’ SESAR 2020 (13), l-Impriża Konġunta kienet għamlet impenji ta’ EUR 236,7 miljun u pagamenti ta’ EUR 112,3 miljun, sa tmiem l-2017. Il-pagamenti kienu prinċipalment pagamenti ta’ prefinanzjament għall-ewwel u t-tieni sensiela ta’ proġetti taħt SESAR 2020.

KONTROLLI INTERNI

Qafas ta’ kontroll intern

38.

L-awditur estern tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta osserva xi nuqqasijiet fil-proċeduri relatati mal-kontroll finanzjarju tagħha. Din is-sitwazzjoni hija prinċipalment dovuta għall-qafas regolatorju finanzjarju kumpless li taħtu trid topera l-Impriża Konġunta, kif ukoll għat-tluq reċenti ta’ membri ewlenin tal-persunal inkarigati mill-finanzi u għall-ammont eċċessiv ta’ xogħol li konsegwentement irriżulta fid-dipartiment tal-finanzi.

39.

L-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri affidabbli ta’ kontroll ex ante bbażati fuq analiżijiet dokumentarji finanzjarji u operazzjonali. Għal pagamenti interim u finali taħt l-FP7, l-Impriża Konġunta twettaq awditi ex post għand il-benefiċjarji, filwaqt li għal klejms għall-ispejjeż ta’ proġetti taħt Orizzont 2020, is-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-awditi ex post. Ir-rati tal-iżball residwu għall-awditi ex post li ġew irrappurtati mill-Impriża Konġunta fi tmiem l-2017 kienu ta’ 1,09 % għall-FP7 u ta’ 2,8 % għal Orizzont 2020 (14).

40.

Ibbażat fuq valutazzjoni tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta, fuq ittestjar sostantiv tal-operazzjonijiet ta’ dħul, ta’ pagamenti, ta’ għotjiet u ta’ akkwist, kif ukoll fuq analiżi ta’ kampjun ta’ awditi ex post finalizzati, inklużi ta’ rkupri li rriżultaw mill-iżbalji li nqabdu, ir-riżultati tal-awditjar ipprovdewlna aċċertament raġonevoli li r-rata kumplessiva tal-iżball residwu għall-Impriża Konġunta hija taħt il-livell ta’ materjalità.

41.

Fi tmiem l-2017, kienu għadhom ma sarux l-iżviluppi speċifiċi meħtieġa fl-għodod komuni tal-Kummissjoni għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-għotjiet, taħt il-programm Orizzont 2020, biex dawn ikunu jistgħu jipproċessaw il-kontribuzzjonijiet in natura tal-Impriża Konġunta.

Proċeduri ta’ akkwist

42.

Fil-proċeduri tagħha għall-akkwist ta’ servizzi ta’ appoġġ minn utenti ċivili tal-ispazju tal-ajru rigward l-attivitajiet ta’ SESAR 2020 (15), l-Impriża Konġunta użat bħala punteġġ finanzjarju l-medja sempliċi (aritmetika) tal-offerti finanzjarji li hija rċeviet għar-rati ta’ kuljum tal-kategoriji ta’ esperti. L-istess approċċ ġie applikat għal-lottijiet kollha. Fil-fatt, l-użu ta’ medja ponderata għall-kalkolu tal-punteġġ finanzjarju kien ikun soluzzjoni aktar kompetittiva u effettiva. Jenħtieġ li l-ponderazzjoni tkun ibbażata fuq l-għadd l-aktar probabbli ta’ jiem ta’ xogħol għal kull kategorija ta’ esperti meħtieġa għas-servizzi speċifiċi tal-lott.

KWISTJONIJIET OĦRA

Mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-membri l-oħra ta’ SESAR 2020

43.

Wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li timmobilizza l-kontribuzzjonijiet li jsiru mis-sħab tal-industrija fil-qasam tal-attivitajiet tagħha (16). Għall-fondi tal-industrija tat-traffiku tal-arju, il-fattur stmat ta’ mobilizzazzjoni li għandu jinkiseb skont ir-Regolament fundatur tal-Impriża Konġunta mingħajr il-Eurocontrol huwa ta’ 0,85 (17).

INFORMAZZJONI DWAR L-EVALWAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

44.

L-Evalwazzjoni Finali tal-Impriża Konġunta SESAR, li l-Kummissjoni wettqet fil-kuntest tal-FP7 kienet tkopri l-perjodu bejn l-2007 u l-2016 (18), filwaqt li l-Evalwazzjoni Interim tal-Impriża Konġunta SESAR fil-kuntest ta’ Orizzont 2020 kienet tkopri l-perjodu mill-2014 sal-2016 (19). L-evalwazzjonijiet twettqu bl-assistenza ta’ esperti indipendenti kif previst fir-Regolamenti tal-Kunsill dwar is-SESAR (20), u koprew il-prestazzjoni tal-Impriża Konġunta f’termini ta’ rilevanza, effiċjenza, effettività, koerenza, u valur miżjud tal-UE, filwaqt li ttieħdu wkoll inkunsiderazzjoni t-trasparenza u l-kwalità tar-riċerka. Il-Kummissjoni qieset ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet fir-rapport li bagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Ottubru 2017 (21).

45.

B’rispons għar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-evalwaturi (22), il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Impriża Konġunta ġie adottat mill-Bord Amministrattiv ta’ SESAR f’Mejju 2018. Il-pjan ta’ azzjoni jinkludi sett wiesa’ ta’ azzjonijiet li jridu jiġu implimentati mill-Impriża Konġunta (23). Għal xi wħud minnhom diġà nbdew ċerti attivitajiet (24), il-maġġoranza tagħhom huma mistennija li jiġu implimentati fl-2018 u fl-ewwel tliet xhur tal-2019, filwaqt li wħud minnhom se jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss (25).

46.

Fl-2017, il-Qorti tal-Awdituri ppubblikat ir-rapport speċjali tagħha dwar l-Inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) (26), li kopra ċerta elementi tal-prestazzjoni tal-Impriża Konġunta SESAR taħt l-FP7 (27), li huwa l-appoġġ finanzjarju prinċipali li jingħata mill-UE għall-inizjattiva SES.

47.

Kemm fl-Evalwazzjoni Finali tal-Kummissjoni (28) kif ukoll fir-Rapport Speċjali tal-QEA (29) nġibdet l-attenzjoni għad-dewmien fl-eżekuzzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM, u għall-allinjament skorrett bejn it-tul ta’ ħajja tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta SESAR, stabbilit bir-regolamenti, u d-durata prevista tax-xogħol li huwa mistenni minnha. Ir-rapport tal-Qorti enfasizza wkoll il-ħtieġa li jissaħħaħ l-obbligu ta’ rendikont tal-Impriża Konġunta fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-Pjan Regolatorju (30).

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Neven MATES, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta’ Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta’ Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1), emendat bir-Regolament (KE) Nru 1361/2008 (ĠU L 352, 31.12.2008, p. 12).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 721/2014 tas-16 ta’ Ġunju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 219/2007 dwar l-istabbiliment ta’ Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) fir-rigward tal-estensjoni tal-Impriża Konġunta sal-2024 (ĠU L 192, 1.7.2014, p. 1).

(3)  Il-Eurocontrol hija organizzazzjoni internazzjonali li tappartjeni għal 41 Stat Membru. L-UE ddelegat lill-Eurocontrol partijiet mir-Regolamenti tagħha dwar l-Ajru Uniku Ewropew, biex b’hekk din saret l-organizzazzjoni ċentrali għall-koordinazzjoni u għall-ippjanar tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru għall-Ewropa kollha. L-UE nfisha hija firmatarja tal-Eurocontrol u l-Istati Membri kollha tal-UE huma membri tagħha.

(4)  L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġenerali bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Impriża Konġunta SESAR, Diċembru 2009.

(5)  Il-Premessa 5 tar-Regolament (UE) Nru 721/2014.

(6)  L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 219/2007, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 721/2014.

(7)  L-Artikolu 4 tal-Ftehim konkluż bejn SESAR 2020 u Eurocontrol.

(8)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(9)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu r-rapporti li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha u n-noti ta’ spjegazzjoni.

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(11)  L-Artikoli 13 u 25 tal-istatuti tal-Impriża Konġunta, annessi mar-Regolament (KE) Nru 219/2007 kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 721/2014.

(12)  It-total ta’ EUR 892,8 miljun huwa magħmul mill-kontribuzzjoni ta’ EUR 700 miljun fi flus kontanti mill-UE ffinanzjata mill-programmi FP7 u TEN-T, kontribuzzjoni ta’ EUR 165 miljun fi flus kontanti mill-Eurocontrol, u kontribuzzjoni ta’ EUR 27,8 miljun fi flus kontanti mill-membri tal-industrija tat-traffiku tal-ajru.

(13)  It-total ta’ EUR 639,8 miljun huwa magħmul mill-kontribuzzjoni ta’ EUR 585 miljun fi flus kontanti mill-UE ffinanzjata mill-programm Orizzont 2020, kontribuzzjoni ta’ EUR 25 miljun fi flus kontanti mill-Eurocontrol, u kontribuzzjoni ta’ EUR 18,5 miljun fi flus kontanti mill-membri tal-industrija tat-traffiku tal-ajru. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipprovdi dħul assenjat ta’ EUR 11,3 miljun lill-Impriża Konġunta għal kompiti speċifiċi li kienu ġew iddelegati lilha.

(14)  Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2017 tal-Impriża Konġunta SESAR, il-punti 1.1.4.3 u 1.1.7.

(15)  Kuntratti qafas (erba’ lottijiet) b’baġit totali ta’ EUR 6 miljun fuq perjodu ta’ erba’ snin.

(16)  Il-Premessa 17 tar-Regolament (KE) Nru 219/2007, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 721/2014, tiddikjara li l-parteċipazzjoni sostanzjali tal-industrija hija element essenzjali għall-proġett SESAR. Għalhekk, huwa fundamentali li l-baġit pubbliku għall-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR jiġi ssupplimentat b’kontribuzzjonijiet mill-industrija.

(17)  L-ammont stmat tal-kontribuzzjonijiet in natura mis-sħab fis-settur tat-traffiku tal-ajru għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta mingħajr il-Eurocontrol (EUR 500 miljun) diviż bil-kontribuzzjoni totali fi flus kontanti mill-UE għall-Impriża Konġunta (EUR 585 miljun). Irid jiġi nnutat li, f’konformità mal-istatuti ta’ SESAR 2020, il-membri tal-industrija ma jipprovdux kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali li ma jkunux fil-programm ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta.

(18)  Evalwazzjoni finali tal-Impriża Konġunta SESAR li topera taħt l-FP7. https://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/sesar1.pdf

(19)  Evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta SESAR li topera taħt Orizzont 2020. https://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/sesar2020.pdf

(20)  Evalwazzjonijiet statutorji tal-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 219/2007 dwar l-Impriża Konġunta SESAR, u l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 721/2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 219/2007.

(21)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat: Interim Evaluation of the Joint Undertakings operating under Horizon 2020 (Evalwazzjoni Interim tal-Impriżi Konġunti li joperaw taħt Orizzont 2020) {SWD(2017) 339 final}.

(22)  Ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-evalwaturi huma relatati mal-oqsma li ġejjin: it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fl-attivitajiet ta’ SESAR, inklużi r-rabtiet għall-fażi ta’ twaqqif; it-tisħiħ tat-tliet livelli tal-Pjan Regolatorju tal-ATM Ewropew (il-fażi ta’ definizzjoni, ta’ żvilupp u ta’ twaqqif), filwaqt li jiġi żgurat li l-livelli kollha jużaw lingwa bbażata fuq soluzzjonijiet komuni u li l-Kummissjoni tkun tista’ tissimplifika l-ippjanar u l-monitoraġġ tal-fażi ta’ twaqqif; it-tisħiħ tar-rabtiet mal-istituti akkademiċi; ir-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-Qafas Legali ta’ Orizzont 2020; it-teħid ta’ miżuri sabiex jingħalqu l-hekk imsejħa “lakuni fl-industrijalizzazzjoni” bejn is-soluzzjonijiet attwali ta’ SESAR li jieqfu fil-Livell ta’ Tħejjija Teknoloġika (TRL) Nru 6, u l-fażi ta’ twaqqif tal-Pjan Regolatorju tal-ATM li teħtieġ soluzzjonijiet fil-livell TRL Nru 8.

(23)  L-azzjonijiet speċifiċi ppreżentati fil-pjan ta’ azzjoni b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwatur jinkludu: it-titjib fl-arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-maniġer responsabbli għat-twaqqif ta’ SESAR, mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, mal-Awtoritajiet Nazzjonali u mal-EUROCAE sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tagħhom fil-Pjan Regolatorju tal-ATM; iż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-Industrija; is-simplifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ SESAR taħt Orizzont 2020.

(24)  L-attivitajiet li diġà nbdew jinkludu: l-organizzazzjoni mill-ġdid tat-tliet livelli tal-Pjan Regolatorju tal-ATM biex l-arkitettura tiegħu tiġi msaħħa madwar il-prinċipji tas-soluzzjonijiet SESAR; laqgħat regolari mal-Assoċjazzjoni għall-Iżvilupp Xjentifiku tal-ATM fl-Ewropa (ASDA) biex tiżdied il-Parteċipazzjoni tal-Istituti Akkademiċi.

(25)  L-Impriża Konġunta wettqet valutazzjoni ġenerali tal-qafas legali attwali tal-Impriża Konġunta SESAR bħala tħejjija għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss u bagħtitha lill-Kummissjoni f’Diċembru 2017. Fir-rigward tar-rakkomandazzjoni li jitnaqqsu aktar il-lakuni fl-industrijalizzazzjoni bejn l-attivitajiet tal-Impriża Komuni SESAR u l-maniġer responsabbli għat-twaqqif ta’ SESAR, l-Impriża Komuni tqis li din ir-rakkomandazzjoni għalissa hija sospiża, suġġett għal inizjattiva tal-Kummissjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss.

(26)  L-Inizjattiva tal-UE dwar l-Ajru Uniku Ewropew, li tniedet fl-2004, tinkludi sett ta’ regoli vinkolanti komuni għall-UE kollha dwar is-sigurtà u s-servizzi tal-ATM, il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u l-interoperabbiltà fi ħdan in-netwerk: https://ec.europa.eu/transport/modes/air/ses_en

(27)  Ir-Rapport Speċjali Nru 18/2017 tal-Qorti tal-Awdituri.

(28)  Ara d-dokument intitolat: Final Evaluation on SESAR Joint Undertaking activities under FP7 (Evalwazzjoni Finali tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta SESAR taħt l-FP7), it-Taqsima 7.1.4. Kwalità tar-Riċerka, u t-Taqsima 8. Konklużjonijiet.

(29)  Il-paragrafi 86 u 87 tar-Rapport Speċjali Nru 18/2017 tal-Qorti tal-Awdituri.

(30)  Ara l-paragrafu 86, u r-Rakkomandazzjoni 8 tar-Rapport Speċjali Nru 18/2017 tal-Qorti tal-Awdituri.


ANNESS

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-QEA

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti)

 

Rappurtar u ċċekkjar tal-kontribuzzjonijiet in natura għall-proġetti taħt SESAR 2020

 

2016

L-Impriża Konġunta SESAR għadha ma introduċietx gwida speċifika għall-membri u l-awdituri esterni tagħhom rigward id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri għall-proġetti taħt SESAR 2020. L-Impriża Konġunta lanqas ma stabbiliet gwida interna dwar il-kontrolli ex ante tagħha ta’ klejms għall-ispejjeż għal proġetti taħt SESAR 2020, ibbażata fuq l-istrateġija għal kontroll ex ante li tintuża mill-Kummissjoni għal Orizzont 2020.

Ikkompletata

 

Valutazzjoni tal-kapaċità finanzjarja tal-applikanti taħt is-sejħiet għal proposti

 

2016

Għas-sejħa ristretta għal riċerka industrijali li kienet limitata għall-membri tal-industrija tal-Impriża Konġunta, din tat għotjiet lil konsorzji ta’ proġetti, minkejja l-fatt li, f’żewġ każijiet, il-kontrolli tal-vijabbiltà finanzjarja tal-benefiċjarji li twettqu mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka kienu indikaw li l-kapaċità finanzjarja tal-membru koordinatur tal-industrija fil-konsorzji kienet dgħajfa. Dan jimplika riskju finanzjarju ogħla għall-ikkompletar ta’ dawk il-proġetti, u r-riskju finanzjarju huwa ogħla wkoll għall-proġetti l-oħra li fihom dawn iż-żewġ benefiċjarji huma involuti. F’dawn iż-żewġ każijiet, id-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv kienet ibbażata fuq valutazzjonijiet ad hoc u komplementari tar-riskju, li twettqu mill-persunal tal-Impriża Konġunta SESAR. Madankollu, l-Impriża Konġunta għadha ma stabbilietx proċedura interna sistematika biex issir valutazzjoni mill-ġdid fejn il-vijabbiltà finanzjarja ta’ koordinatur ta’ proġett li ngħata għotja tkun dgħajfa, u li tkun tinkludi miżuri li jimmitigaw u jikkumpensaw għar-riskju finanzjarju akbar.

Ikkompletata

 

Kosteffettività tal-kuntratti ta’ servizz

 

2016

Fil-proċeduri tagħha għall-akkwist ta’ servizzi, l-Impriża Konġunta tissettja baġit massimu għall-kuntratti. Dan l-ammont massimu mhuwiex ibbażat fuq proċess sistematiku ta’ stimar tal-ispejjeż fuq sistema raġonevoli ta’ referenza għall-prezzijiet tas-suq. Dan ma jiżgurax il-kosteffettività tal-kuntratti ta’ servizz pluriennali tagħha, billi l-esperjenza turi li l-biċċa l-kbira mill-offerti riċevuti kienu viċin il-baġit massimu.

Ikkompletata


IT-TWEĠIBA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

25.   

Matul il-perjodu 2010–2017, iż-żmien medju biex jiġu riċevuti l-Ftehimiet ta’ Delega Annwali dwar l-Implimentazzjoni Finanzjarja kien aktar minn sitt xhur. Konsegwentement, sabiex tiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet, l-Impriża Konġunta SESAR ikollha tippjana l-baġit tagħha b’tali mod li jkollha biżżejjed flus kontanti u approprjazzjonijiet ta’ pagament biex tkun tista’ tkopri l-pagamenti matul mill-inqas l-ewwel nofs tas-sena ta’ wara.

26.   

Matul dawn l-aħħar sentejn, l-Impriża Konġunta SESAR kienet qed topera taħt bosta sistemi regolatorji finanzjarji minħabba li kellha timplimenta proġetti simultanji taħt l-FP7, it-TEN-T, Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) u l-ftehimiet ta’ delega għad-dħul assenjat. Il-pjan ta’ reklutaġġ għall-2018 jipprevedi r-reklutaġġ ta’ żewġ uffiċjali finanzjarji addizzjonali biex jirrinforzaw it-Tim għall-Finanzi u l-Baġit.

27.   

Ir-rata ogħla ta’ żball għall-pagamenti ta’ għotja taħt Orizzont 2020 fl-2017 irriżultat mill-fatt li l-Impriża Konġunta SESAR kienet eżegwiet biss ftit pagamenti ta’ għotja taħt Orizzont 2020 meta l-Appoġġ Komuni għall-Awditjar (CAS) tal-Kummissjoni stabbilixxa l-pjan tal-awditjar tagħha. B’mod predominanti, dawn il-pagamenti kienu relatati ma’ proġetti ta’ Riċerka Esplorattiva li bħala benefiċjarji prinċipali jinvolvu ċentri ta’ riċerka u universitajiet li, b’mod ġenerali, mhumiex daqstant familjari mar-rappurtar finanzjarju daqs benefiċjarji industrijali oħra li huma akbar. Barra minn hekk, fil-biċċa l-kbira, ir-rata ta’ żball kienet affettwata minn żball sinifikanti li joriġina minn benefiċjarju universitarju partikolari. Biex tnaqqas dan ir-riskju fil-futur, l-Impriża Konġunta SESAR, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, se tistabbilixxi jum ta’ informazzjoni dwar ir-rappurtar finanzjarju li b’mod partikolari jindirizza liċ-ċentri ta’ riċerka, lill-universitajiet u lill-SMEs.

28.   

L-Impriża Konġunta SESAR se taġġorna l-linji gwida interni tagħha dwar l-elaborazzjoni tad-dokumentazzjoni tas-sejħiet (li jagħmlu parti mis-“Sistema ta’ Ġestjoni tal-Kwalità tal-Impriża Konġunta SESAR”) sabiex jinkludu l-metodu ta’ medja ponderata bħala alternattiva possibbli għall-evalwazzjoni ta’ offerti finanzjarji, notevolment meta dan il-metodu jippermetti riflessjoni aħjar tal-komponenti differenti tal-prezz tal-offerti finanzjarji.


14.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 452/76


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Shif-2-Rail għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

(2018/C 452/09)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI

1-12

77

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta Shift2Rail

1-2

77

Governanza

3-6

77

Objettivi

7-8

77

Riżorsi

9-11

78

L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni

12

78

OPINJONI

13-25

78

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

14

78

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

15

79

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

16

79

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

17-19

79

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

20-25

79

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

26-32

80

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

26-27

80

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

28-32

80

KONTROLLI INTERNI

33-37

81

Qafas ta’ kontroll intern

33-36

81

Proċeduri ta’ akkwist

37

81

KWISTJONIJIET OĦRA

38

81

Mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija

38

81

INFORMAZZJONI DWAR L-EVALWAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

39-40

81

ANNESS -

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

83

IR-RISPOSTA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

84

INTRODUZZJONI

Stabbiliment tal-Impriża Konġunta Shift2Rail

1.

L-Impriża Konġunta Shift2Rail (S2R), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Ġunju 2014 (1) għal perjodu ta’ 10 snin u bdiet topera b’mod awtonomu fl-24 ta’ Mejju 2016. L-Impriża Konġunta bdiet l-operazzjonijiet awtonomi fl-2016 u l-kontijiet ta’ din is-sena huma t-tieni sett ta’ rapporti finanzjarji tal-S2R li ġew awditjati mill-QEA.

2.

L-Impriża Konġunta S2R hija sħubija pubblika-privata fis-settur ferrovjarju. Il-membri fundaturi huma l-Unjoni Ewropea (UE), irrappreżentata mill-Kummissjoni u mis-sħab fl-industrija ferrovjarja (partijiet ikkonċernati ewlenin, inklużi manifatturi ta’ tagħmir ferrovjarju, kumpaniji ferrovjarji, maniġers tal-infrastruttura u ċentri tar-riċerka). Entitajiet oħra jistgħu jipparteċipaw fl-Impriża Konġunta bħala membri assoċjati.

Governanza

3.

L-istruttura ta’ governanza tal-Impriża Konġunta S2R tinkludi l-Bord ta’ Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv, il-Kumitat Xjentifiku u l-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati.

4.

Il-Bord ta’ Tmexxija huwa magħmul minn 22 membru, b’2 rappreżentanti mill-Kummissjoni u rappreżentant wieħed minn kull membru tal-industrija. Huwa responsabbli għall-orjentazzjoni strateġika u l-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha. Id-Direttur Eżekuttiv huwa responsabbli għat-tmexxija ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta.

5.

Il-Kumitat Xjentifiku u l-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati huma korpi konsultattivi. Il-Kumitat Xjentifiku jipprovdi parir dwar il-prijoritajiet xjentifiċi u teknoloġiċi li għandhom jiġu indirizzati fil-programmi ta’ ħidma annwali tal-Impriża Konġunta. Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati jirrappreżenta lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi assoċjati mal-Programm Qafas għar-Riċerka Orizzont 2020. Il-Grupp jista’ joffri opinjonijiet dwar l-orjentazzjoni strateġika tal-Impriża Konġunta u dwar ir-rabtiet bejn l-attivitajiet tal-S2R u l-programmi rilevanti nazzjonali jew reġjonali ta’ riċerka u innovazzjoni.

6.

L-Istatuti tal-Impriża Konġunta S2R jistipulaw ukoll:

rwol konsultattiv speċifiku għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji biex din tikkontribwixxi għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma tal-S2R, u biex tiżgura li l-attivitajiet tal-S2R iwasslu għal standards tekniċi li jkunu jiggarantixxu l-interoperabbiltà u s-sikurezza;

l-istabbiliment tal-Kumitati ta’ Tmexxija tal-Programmi ta’ Innovazzjoni, li jinkludu rappreżentanti tal-membri fundaturi u tal-membri assoċjati, kif ukoll dawk tal-Uffiċċju tal-Programm tal-S2R, li huma inkarigati mill-input tekniku u mill-impimentazzjoni ta’ kull Programm ta’ Innovazzjoni;

il-possibbiltà li jinħolqu gruppi ta’ ħidma ta’ esperti biex jassistu lill-Impriża Konġunta fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

Objettivi

7.

L-Impriża Konġunta S2R inħolqot biex tipprovdi pjattaforma ta’ kollaborazzjoni għas-settur ferrovjarju biex imexxi ’l quddiem l-innovazzjoni bl-għan li tiżdied il-kompetittività tas-sistema ferrovjarja u tissaħħaħ is-sistema tat-trasport ferrovjarju fl-Ewropa. Inizjattiva ewlenija għall-ilħuq ta’ dan l-għan hija l-ħolqien ta’ Żona Ferrovjarja Unika Ewropea (SERA) (2).

8.

L-Impriża Konġunta tfittex li tiżviluppa, tintegra, turi u tivvalida teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi li jirrispettaw l-istandards l-aktar stretti ta’ sikurezza, bil-ħsieb li tikseb:

tnaqqis ta’ 50 % fl-ispiża taċ-ċiklu tal-ħajja tat-trasport ferrovjarju;

żieda ta’ 100 % fil-kapaċità tas-sistema tat-trasport ferrovjarju;

żieda ta’ 50 % fl-affidabbiltà u l-puntwalità tas-servizzi ferrovjarji;

it-tneħħija tal-ostakli tekniċi li għad baqa’ għall-interoperabbiltà u l-effiċjenza;

tnaqqis fl-esternalitajiet negattivi marbuta mat-trasport ferrovjarju, b’mod partikolari l-istorbju, il-vibrazzjonijiet, l-emissjonijiet u effetti ambjentali oħrajn.

Riżorsi

9.

Il-kontribuzzjoni massima mill-UE għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta S2R hija ta’ EUR 450 miljun, li għandha tiġi ffinanzjata mill-programm Orizzont 2020. Dan l-ammont jinkludi EUR 52 miljun li ġew assenjati għall-Programm ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Orizzont 2020 għall-perjodu 2014-2015 (Proġetti emblematiċi) li sa issa huwa mmaniġġjat mill-Kummissjoni Ewropea. Dan jirriżulta f’allokazzjoni ta’ EUR 398 miljun lill-Impriża Konġunta S2R (3). Il-membri tal-industrija tal-Impriża Konġunta għandhom jikkontribwixxu riżorsi ta’ mill-inqas EUR 470 miljun (4), li jikkonsistu f’mill-inqas EUR 350 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura u kontribuzzjonijiet fi flus kontanti għall-attivitajiet operazzjonali u l-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta, flimkien ma’ mill-inqas EUR 120 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali (5).

10.

L-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta S2R huma limitati għal EUR 27 miljun, li għandhom ikunu koperti mill-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti li jsiru mill-membru, u jinqasmu b’mod ugwali fuq bażi annwali bejn l-UE u l-membri tal-industrija (6).

11.

Fl-2017, il-baġit finali għall-Impriża Konġunta S2R kien ta’ EUR 44,1 miljun (2016: 52,3). Fil-31 ta’ Diċembru 2017, l-Impriża Konġunta kellha 19-il membru tal-persunal impjegati magħha (2016: 17). Il-baġit finali aktar baxx għall-2017 huwa konsegwenza diretta tal-konferma mill-Kummissjoni Ewropea biex ikomplu jiġu amministrati l-Proġetti Emblematiċi (7).

L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni

12.

F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni kkompletat l-evalwazzjoni interim tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta. Din ġiet segwita minn pjan ta’ azzjoni mħejji mill-Impriża Konġunta biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet li saru fl-evalwazzjoni. Din id-darba, aħna ninkludu taqsima li hija relatata mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Impriża Konġunta b’rispons għall-evalwazzjoni interim, u li hija intenzjonata biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma tiffurmax parti mill-opinjoni jew mill-osservazzjonijiet tagħna tal-awditjar.

OPINJONI

13.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet tal-Impriża Konġunta, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (8) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (9) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta’ Diċembru 2017, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. Dawn huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

15.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

16.

Fl-opinjoni tagħna, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

17.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-maniġment tal-Impriża Konġunta jerfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet.

18.

Fit-tħejjija tal-kontijiet, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-Impriża Konġunta li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga, kif applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat.

19.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-entità.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

20.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-Impriża Konġunta jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew lil awtoritajiet ta’ kwittanza rispettivi oħra b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li awditu dejjem se jaqbad dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet.

21.

Awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqies il-kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi, iżda mhux bl-iskop li tingħata opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll intern. Awditu jinkludi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi li jsiru mill-maniġment, u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

22.

Għad-dħul, aħna nivverifikaw is-sussidju li jiġi riċevut mingħand il-Kummissjoni u nivvalutaw il-proċeduri tal-Impriża Konġunta għall-ġbir ta’ tariffi u ta’ introjtu ieħor.

23.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti (inklużi dawk li jkunu saru għax-xiri ta’ assi) fil-punt meta jsiru.

24.

Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport u l-Opinjoni, aħna qisna x-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet tal-Impriża Konġunta kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (10).

25.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjoni tal-QEA.

ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit għall-2017

26.

Il-baġit finali għall-2017 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 68,6 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 44,1 miljun. Ir-rati ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienu ta’ 94 % u 79 %, rispettivament. Il-biċċa l-kbira mill-pagamenti li saru mill-Impriża Konġunta fl-2017 kienu pagamenti ta’ prefinanzjament għal proġetti ta’ Orizzont 2020, magħżula taħt is-sejħiet għal proposti tal-2017.

27.

Fi tmiem l-2017, l-Impriża Konġunta kellha approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati minn snin preċedenti li jammontaw għal madwar EUR 7,6 miljun. Din is-sitwazzjoni turi dgħufijiet fil-proċess ta’ ppjanar tal-baġit li, madankollu, l-Impriża Konġunta ma tistax tikkontrolla bis-sħiħ.

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

28.

Mill-ammont massimu ta’ EUR 398 miljun f’kontribuzzjonijiet fi flus kontanti li għandhom jiġu allokati mill-UE għall-Impriża Konġunta S2R tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħha, l-UE kienet ikkontribwiet total ta’ EUR 83,2 miljun fi flus kontanti, sa tmiem l-2017.

29.

Mill-ammont ta’ mill-inqas EUR 350 miljun f’kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet operazzjonali u l-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħha, sa tmiem l-2017, il-membri kienu rrappurtaw EUR 34,9 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali, li minnhom EUR 3 miljun kienu ġew iċċertifikati. Barra minn hekk, il-Bord ta’ Tmexxija kien ivvalida EUR 4,9 miljun f’kontribuzzjonijiet fi flus kontanti mill-membri tal-industrija għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta.

30.

Mill-ammont ta’ mill-inqas EUR 120 miljun f’kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija għal attivitajiet nazzjonali li ma jkunux fil-programm ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta, sa tmiem l-2017, il-membri kienu diġà rrappurtaw EUR 130 miljun (108 %), li minnhom EUR 86,3 miljun kienu ġew iċċertifikati. Madankollu, peress li ma għandna l-ebda dritt li nawditjaw il-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri għal attivitajiet addizzjonali, aħna ma nistgħux nipprovdu opinjoni dwar in-natura, il-kwalità u l-kwantità tagħhom.

31.

Konsegwentement, sa tmiem l-2017, il-kontribuzzjonijiet totali mill-membri tal-industrija ammontaw għal EUR 169,8 miljun, (li minnhom 76 % huma kontribuzzjonijiet għal attivitajiet addizzjonali), filwaqt li l-kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-UE ammontat għal EUR 83,2 miljun (ara wkoll il-paragrafu 38).

32.

Mill-baġit massimu ta’ EUR 411,5 miljun għall-attivitajiet operazzjonali u amministrattivi tal-Impriża Konġunta (11), din kienet għamlet impenji ta’ EUR 158,8 miljun u pagamenti ta’ EUR 78,6 miljun, sa tmiem l-2017. Dan juri li l-Impriża Konġunta attwalment iffirmat ftehimiet ta’ għotja pluriennali interdipendenti u kuntratti ta’ akkwist għall-implimentazzjoni ta’ 39 % tal-programm ta’ riċerka u innovazzjoni tal-S2R, f’konformità mal-programm ta’ ħidma pluriennali tal-Impriża Konġunta.

KONTROLLI INTERNI

Qafas ta’ kontroll intern

33.

L-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri affidabbli ta’ kontroll ex ante bbażati fuq analiżijiet dokumentarji finanzjarji u operazzjonali. Is-sitwazzjoni fi tmiem l-2017 indikat li, fil-biċċa l-kbira, l-istandards ta’ kontroll intern l-aktar importanti kienu ġew implimentati, u xi wħud mill-azzjonijiet l-oħra għandhom jiġu kkompletati fl-2018, bħat-twettiq tal-ittestjar tal-Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju.

34.

Is-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-awditjar ex post tal-klejms għall-ispejjeż ta’ proġetti taħt il-programm Orizzont 2020. Fl-2017, l-Impriża Konġunta – flimkien mas-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tad-DĠ RTD – niedet l-ewwel awditu ex post ta’ kampjun aleatorju ta’ klejms għall-ispejjeż interim relatati mal-programm Orizzont 2020 li, madankollu, ir-riżultati tiegħu mhumiex se jiġu rrappurtati ħlief fir-Rapport Annwali tal-Attività 2018 tal-Impriża Konġunta.

35.

Ibbażat fuq valutazzjoni tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta, u fuq ittestjar sostantiv tal-operazzjonijiet ta’ dħul, ta’ pagamenti, ta’ għotjiet u ta’ akkwist, ir-riżultati tal-awditjar ipprovdewlna aċċertament raġonevoli li r-rata kumplessiva tal-iżball residwu għall-Impriża Konġunta huwa taħt il-livell ta’ materjalità.

36.

Fi tmiem l-2017, kienu għadhom ma sarux l-iżviluppi speċifiċi meħtieġa fl-għodod komuni tal-Kummissjoni għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-għotjiet, taħt il-programm Orizzont 2020, biex dawn ikunu jistgħu jipproċessaw il-kontribuzzjonijiet in natura tal-Impriża Konġunta.

Proċeduri ta’ akkwist

37.

Xi nuqqasijiet kwalitattivi ġew osservati fil-proċedura miftuħa tal-Impriża Konġunta għall-akkwist ta’ servizzi relatati mal-komunikazzjoni u l-avvenimenti għal baġit stmat ta’ EUR 1,2 miljun fuq perjodu ta’ erba’ snin.

KWISTJONIJIET OĦRA

Mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija

38.

Wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li timmobilizza l-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-membri tal-industrija fil-qasam tal-attivitajiet tagħha (12). Il-fattur minimu ta’ mobilizzazzjoni li għandu jinkiseb skont ir-Regolament fundatur tal-Impriża Konġunta huwa ta’ 0,88 (13), jekk jitqiesu biss il-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet li huma direttament koperti mill-programm ta’ ħidma tagħha. Il-fattur minimu ta’ mobilizzazzjoni jiżdied għal 1,18 (14) jekk il-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet addizzjonali li ma jkunux fil-programm ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta jiġu inklużi b’mod ugwali. Madankollu, peress li ma għandna l-ebda dritt li nawditjaw il-kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali, aħna ma nistgħux nipprovdu opinjoni dwar in-natura u l-kwalità ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (15).

INFORMAZZJONI DWAR L-EVALWAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

39.

L-Evalwazzjoni Interim (16) tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta S2R li l-Kummissjoni wettqet kienet tkopri l-perjodu 2014-2016, u saret bl-assistenza ta’ esperti indipendenti kif previst fir-Regolament tal-Kunsill dwar l-Impriża Konġunta S2R (17). L-evalwazzjoni kopriet il-prestazzjoni tal-Impriża Konġunta f’termini ta’ rilevanza, effiċjenza, effettività, koerenza, u valur miżjud tal-UE, filwaqt li ttieħdu wkoll inkunsiderazzjoni t-trasparenza u l-kwalità tar-riċerka. Il-Kummissjoni qieset ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet fir-rapport li bagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Ottubru 2017 (18).

40.

B’rispons għar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-evalwaturi (19), l-Impriża Konġunta ħejjiet Pjan ta’ Azzjoni li ġie adottat mill-Bord ta’ Tmexxija fit-28 ta’ Ġunju 2018. Filwaqt li mhux ir-rakkomandazzjonijiet kollha li saru fl-Evalwazzjoni Interim se jiġu indirizzati taħt il-Programm Qafas Finanzjarju attwali (20), xi wħud mill-azzjonijiet inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni diġà nbdew (21), filwaqt li oħrajn, skont in-natura tagħhom u l-qafas legali attwali, huma mistennija li jiġu implimentati fil-perjodu mill-2018 sal-2020 (22).

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Neven MATES, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 tas-16 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail (ĠU L 177, 17.6.2014, p. 9).

(2)  Aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta hija disponibbli fuq is-sit web tagħha: http://shift2rail.org.

(3)  L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 642/2014.

(4)  L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 642/2014.

(5)  Kif previst fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 642/2014, l-attivitajiet addizzjonali mhumiex fil-pjan ta’ ħidma u fil-baġit tal-Impriża Konġunta iżda jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjan Regolatorju tal-S2R. F’konformità mal-Artikolu 4(4) tal-istess Regolament, l-ispejjeż tal-attivitajiet addizzjonali jridu jiġu ċċertifikati minn awditur indipendenti estern u mhumiex suġġetti għall-awditjar mill-Impriża Konġunta, mill-QEA jew minn kwalunkwe korp tal-UE.

(6)  L-Artikolu 16(2) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta S2R (l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 642/2014).

(7)  L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 642/2014 jipprevedi kontribuzzjoni addizzjonali mill-UE li tammonta għal EUR 52 miljun, għall-Impriża Konġunta S2R f’każ li tieħu f’idejha l-ġestjoni tal-Programm ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Orizzont 2020 għall-perjodu 2014-2015 (hekk imsejħa Proġetti emblematiċi).

(8)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(9)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu r-rapporti li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha u n-noti ta’ spjegazzjoni.

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(11)  Dan l-ammont jinkludi l-kontribuzzjoni massima fi flus kontanti mill-UE għall-ispejjeż operazzjonali u amministrattivi tal-Impriża Konġunta u l-kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-membri tal-industrija għall-ispejjeż amministrattivi tagħha ta’ EUR 13,5 miljun.

(12)  Il-Premessa 10 tar-Regolament (UE) Nru 642/2014 tiddikjara li l-parteċipazzjoni sostanzjali tal-industrija hija element essenzjali tal-inizjattiva Shift2Rail (S2R). Għalhekk, huwa fundamentali li l-baġit pubbliku għall-inizjattiva S2R ikun mill-inqas ikkumplimentat mill-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-industrija.

(13)  L-ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet tal-membri tal-industrija għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta (EUR 350 miljun) diviż bil-kontribuzzjoni massima fi flus kontanti mill-UE għall-Impriża Konġunta (EUR 398 miljun).

(14)  It-total tal-ammont minimu tal-kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet operazzjonali u dawk addizzjonali tal-Impriża Konġunta (EUR 470 miljun) diviż bil-kontribuzzjoni massima fi flus kontanti mill-UE għall-Impriża Konġunta (EUR 398 miljun).

(15)  Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 642/2014 l-ispiża tal-attivitajiet addizzjonali tiġi ċċertifikata minn awditur estern indipendenti maħtur mill-Impriża Konġunta. Madankollu, l-ispiża għal dawn l-attivitajiet ma għandhiex tkun awditjata mill-Impriża Konġunta jew minn kwalunkwe korp tal-Unjoni.

(16)  Evalwazzjoni interim dwar l-Impriża Konġunta S2R (2014-2016) li topera taħt Orizzont 2020. https://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/s2r.pdf

(17)  L-Artikolu 11 tal-Regolament (UE) Nru 642/2014 dwar l-Impriża Konġunta S2R.

(18)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat: Interim Evaluation of the Joint Undertakings operating under Horizon 2020 (Evalwazzjoni Interim tal-Impriżi Konġunti li joperaw taħt Orizzont 2020) {SWD(2017) 339 final}.

(19)  Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi jinkludu l-ħtieġa li tiżdied il-kollaborazzjoni mal-Impriżi Konġunti tat-Trasport (SESAR, Clean Sky u FCH); li jiżdied il-bilanċ tal-parteċipanti fl-attivitajiet tal-S2R; li jsir użu ulterjuri mill-Kumitat Xjentifiku tal-Impriża Konġunta, mill-Kunsill Konsultattiv għar-Riċerka Ewropea fil-Ferroviji (ERRAC), u mill-korpi konsultattivi sabiex jipprovdu pariri tekniċi u strateġiċi; u li jiġu eżaminati l-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni tal-Impriża Konġunta, li jitqiesu li huma wisq, u f’ċerti kwistjonijiet, mhux xierqa.

(20)  Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Impriża Konġunta jirrikonoxxi li ċerti rakkomandazzjonijiet bħall-ħtieġa li jsir titjib fil-bilanċ tal-parteċipanti fl-Impriża Konġunta, jew li jkun hemm fokus akbar fuq l-isfidi ewlenin tas-soċjetà, ma ġewx koperti b’mod suffiċjenti fl-S2R u jeħtieġ li jiġu indirizzati aktar fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss.

(21)  Diġà ġew stabbiliti kuntatti regolari mal-Impriżi Konġunti l-oħra biex jinħolqu sinġeriji bejn il-programmi differenti; l-iskema tal-Għotjiet ta’ Somom f’Daqqa ġiet introdotta fil-Programm ta’ Ħidma Annwali 2018 biex tiżdied is-simplifikazzjoni.

(22)  L-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati jinkludu: l-istedina lill-membri assoċjati tal-impriża Konġunta biex iżidu l-impenn tagħhom fl-S2R sabiex partijiet terzi jkunu jistgħu jipparteċipaw aktar permezz tal-attivitajiet tal-membri assoċjati; l-għażla ta’ membri ġodda tal-Kumitat Xjentifiku; l-eżaminar tal-Pjan ta’ Azzjoni Pluriennali tal-S2R (il-Parti B) biex jiġi allinjat mal-fehma eżekuttiva tal-S2R li ġiet adottata mill-Bord ta’ Tmexxija f’Ottubru 2017 (il-Parti A); u l-istabbiliment ta’ mudell ġdid tal-KPIs f’konformità mal-Objettivi tar-Regolament tal-Kunsill dwar l-S2R.


ANNESS

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-QEA

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti)

 

Strateġija kontra l-frodi

 

2016

L-istrateġija tal-Kummissjoni kontra l-frodi fil-qasam tar-riċerka hija obbligatorja għall-Impriża Konġunta S2R. Madankollu, fi tmiem l-2016, l-Impriża Konġunta kienet għadha ma wettqitx valutazzjoni speċifika tar-riskju kontra l-frodi, u lanqas ma kienet stabbiliet pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija proprja tagħha kontra l-frodi, ibbażata fuq il-metodoloġija pprovduta mill-Kummissjoni.

Ikkompletati


IT-TWEĠIBA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

27.   

Il-proċess baġitarju tas-soltu jipprevedi li għal kull sena finanzjarja l-Kummissjoni tħallas lill-Impriża Konġunta l-ewwel pagament għall-ħabta ta’ Marzu biss. Għaldaqstant l-Impriża Konġunta kkunsidrat l-ammont sħiħ ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati minn snin preċedenti fl-ippjanar baġitarju tagħha għall-2017, biex tkopri l-pagamenti tal-ewwel tliet xhur fl-2018.

37.   

Fir-rigward tal-proċedura ta’ akkwist għal kuntratt qafas ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni u avvenimenti, l-Impriża Konġunta ddeċidiet li ma tintroduċix kapaċità finanzjarja minima sabiex ma tiskoraġġix il-parteċipazzjoni ta’ SMEs għas-sejħa għal offerti, riskju li l-Impriża Konġunta xtaqet ittaffi. Fil-fatt, id-definizzjoni ta’ livelli ta’ kapaċità finanzjarja minimi huma ostakli magħrufa sew għal parteċipanti ġodda.

Fl-istess proċedura, Lott 4 ġie kkanċellat minħabba li s-soluzzjoni teknika proposta mill-offerta li rebħet ippermettiet li s-servizzi ppjanati inizjalment għal żewġ lottijiet ikunu inkorporati f’lott wieħed. Din is-soluzzjoni rriżultat f’iffrankar ta’ riżorsi finanzjarji. F’dan il-kuntest, l-Impriża Konġunta kkonformat b’mod sħiħ mal-Artikolu 114 tar-Regolament Finanzjarju (“Kanċellazzjoni ta’ proċedura ta’ akkwist”).

38.   

L-Impriża Konġunta S2R tixtieq tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-membri minbarra l-Unjoni diġà pprovdew IKAA ċċertifikati ferm aktar mill-mira regolatorja. Dawn il-kontribuzzjonijiet huma ċċertifikati f’konformità mal-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar

Il-fattur tal-ingranaġġ skont ir-regolament bażiku tal-Impriża Konġunta huwa 1,24 (1) u 1,66 (2) rispettivament meta jiġu kkunsidrati l-kontribuzzjonijiet tal-Membri minbarra tal-Unjoni biss.


(1)  L-ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet tal-membri tal-industrija għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta (EUR 350 miljun) diviż bil-kontribuzzjoni massima fi flus kontanti mill-UE għall-Impriża Konġunta allokati bir-Regolament tal-S2R lill-Membri minnbarra l-Unjoni (EUR 282,5 miljun).

(2)  Meta wieħed jikkunsidra t-total ta’ kontribuzzjonijiet minimi mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet operazzjonali u dawk addizzjonali tal-Impriża Konġunta (EUR 470 miljun).