|
ISSN 1977-0987 |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 378 |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 61 |
|
Werrej |
Paġna |
|
|
|
II Komunikazzjonijiet |
|
|
|
KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA |
|
|
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
|
2018/C 378/01 |
Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9041 — Hutchison/Wind Tre) ( 1 ) |
|
|
2018/C 378/02 |
Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9037 — Bain Capital/Italmatch Chemicals) ( 1 ) |
|
|
III Atti preparatorji |
|
|
|
Il-Bank Ċentrali Ewropew |
|
|
2018/C 378/03 CON/2018/35 |
||
|
2018/C 378/04 CON/2018/36 |
|
|
IV Informazzjoni |
|
|
|
INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA |
|
|
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
|
2018/C 378/05 |
|
|
V Avviżi |
|
|
|
PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI |
|
|
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
|
2018/C 378/06 |
Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Il-Każ M.9144 — Michael Kors/Gianni Versace) — Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 ) |
|
|
|
|
|
(1) Test b'rilevanza għaż-ŻEE. |
|
MT |
|
II Komunikazzjonijiet
KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA
Il-Kummissjoni Ewropea
|
19.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 378/1 |
Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata
(Il-Każ M.9041 — Hutchison/Wind Tre)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2018/C 378/01)
Fil-31 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) flimkien mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:
|
— |
fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali, |
|
— |
f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32018M9041. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea. |
|
19.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 378/1 |
Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata
(Il-Każ M.9037 — Bain Capital/Italmatch Chemicals)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2018/C 378/02)
Fil-11 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:
|
— |
fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali, |
|
— |
f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32018M9037. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea. |
III Atti preparatorji
Il-Bank Ċentrali Ewropew
|
19.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 378/2 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-16 ta' Awwissu 2018
dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles IV”)
(CON/2018/35)
(2018/C 378/03)
Introduzzjoni u bażi legali
Fil-25 ta' Ġunju 2018, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perijodu 2021-2027 (il-programm “Pericles IV”) (1) (iktar 'il quddiem ir-“regolament propost”).
Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 133 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li bis-saħħa tiegħu, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-BĊE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro bħala l-munita unika, wara konsultazzjoni mal-BĊE. B'konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
1. Osservazzjonijiet ġenerali
|
1.1. |
Il-BĊE jinnota li r-regolament propost ser jissostitwixxi l-bażi legali tal-programm Pericles 2020 attwali, li ġie stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), mill-1 ta' Jannar 2021, sabiex ikompli il-programm Pericles sal-aħħar tal-2027. |
|
1.2. |
Il-BĊE jtenni l-fehma tiegħu li l-programm Pericles huwa kontribut siewi għall-attivitajiet li diġà saru mill-BĊE, l-Europol u l-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-karti u muniti tal-euro (3). Il-BĊE huwa kunfidenti illi l-programm Pericles IV ser ikompli jikkontribwixxi għall-preżervazzjoni tal-integrità tal-karti tal-flus tal-euro. |
|
1.3. |
Il-BĊE jenfasizza l-involviment attiv tiegħu fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-karti tal-flus tal-euro. B'mod partikolari, il-BĊE jiżviluppa disinji tal-karti tal-flus u karatteristiċi ta' sigurtà għall-karti tal-flus tal-euro li jippermettu lill-pubbliku ġenerali u lill-esperti jiddistingwu l-karti tal-flus ġenwini minn dawk iffalsifikati u li jservu ta' deterrent għall-falsifikaturi. |
|
1.4. |
Mill-2013, il-karti tal-flus tas-serje Europa ġew introdotti gradwalment. Biex tipprepara għat-tnedija ta' karti tal-flus b'karatteristiċi ta' sigurtà aġġornati, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema joffru firxa wiesgħa ta' informazzjoni lill-manifatturi u l-fornituri tat-tagħmir tal-karti tal-flus, kif ukoll lill-banek kummerċjali, bejjiegħa bl-imnut u oħrajn li jużaw tagħmir tal-karti tal-flus jew jimmaniġġaw flus kontanti fuq bażi ta' kuljum. Barra minn hekk, il-BĊE jipprovdi programmi ta' taħriġ u materjal ta' taħriġ biex jikkumplimenta t-taħriġ professjonali ta' dawk li jimmaniġġjaw il-flus kontanti. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tad-disinn u s-sigurtà hija disponibbli għall-pubbliku ġenerali wara t-tnedija ta' serje ġdida tal-karti tal-flus. |
|
1.5. |
Barra minn dan, il-BĊE janalizza tipi ġodda ta' iffalsifikar fiċ-Ċentru għall-Analiżi tal-Iffalsifikar (CAC) tiegħu u juża t-tagħrif miksub sabiex jagħti parir aħjar lill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi. Il-CAC jikkoordina d-disseminazzjoni tad-dejta teknika u statistika magħrufa kollha dwar il-karti tal-flus foloz tal-euro lill-partijiet kollha relevanti. |
|
1.6. |
Il-falsifikaturi qed jagħmlu użu dejjem akbar ta' hardware u software ta' immaġni diġitali. Bi tweġiba, il-Grupp ta' Deterrenza tal-Iffalsifikar tal-Bank Ċentrali, li tiegħu l-BĊE huwa membru, jappoġġja u juża teknoloġiji bħal sistemi ta' deterrenza tal-iffalsifikar, li jipprevjenu l-qbid jew ir-riproduzzjoni ta' immaġni ta' karti tal-flus protetti. |
2. Osservazzjonijiet speċifiċi
|
2.1. |
Skont l-Artikolu 4(2) tar-regolament propost, il-Kummissjoni Ewropea tqis miżuri rilevanti meħuda minn entitajiet kompetenti oħra, b'mod partikolari l-BĊE u l-Europol meta timplimenta l-programm Pericles IV f'kooperazzjoni mal-Istati Membri. Il-BĊE jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tisfrutta bis-sħiħ l-esperjenza tal-BĊE fit-twettiq tat-taħriġ u l-għoti ta' informazzjoni dwar il-karti tal-flus euro u biex tipprovdi għall-involviment sħiħ tal-BĊE f'dan ir-rigward. |
|
2.2. |
Barra minn hekk, b'referenza għall-kooperazzjoni li tiffunzjona sewwa fost il-partijiet interessati tal-programm Pericles IV, il-BĊE jtenni l-opinjoni tiegħu li jkun ta' benefiċċju jekk il-Kummissjoni tikkomunika ma' u tinvolvi lill-BĊE u lill-Europol meta tħejji l-programmi ta' ħidma li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-programm, b'mod partikolari biex teżamina l-inizjattivi b'mod konġunt, u b'hekk tevita d-duplikazzjoni u s-sovrappożizzjoni possibbli bejn dan il-programm, programmi rilevanti oħra u l-attivitajiet ta' taħriġ tal-BĊE (4). Tali kooperazzjoni tiffaċilita wkoll l-applikazzjoni ta' strateġija allinjata kontra l-iffalsifikar u l-frodi tal-euro. Għalhekk, l-Artikolu 10 tar-regolament propost għandu jiġi emendat biex jipprovdi għal konsultazzjoni minn qabel tal-partijiet prinċipali involuti, inklużi l-BĊE u l-Europol, mill-Kummissjoni fir-rigward tal-programmi ta' ħidma. Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-BĊE biżżejjed ħin biex jiffamiljarizza ruħu mad-dokumentazzjoni fir-rigward tal-programmi ta' ħidma li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 10 (5). |
|
2.3. |
L-Artikolu 12 tar-regolament propost jeħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni annwali dwar ir-riżultati tal-programm Pericles IV. L-Artikolu 13 jipprovdi għal evalwazzjoni fil-frattemp matul, u evalwazzjoni finali wara, il-programm. Filwaqt li l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet akkumpanjati mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-BĊE, l-informazzjoni annwali għandha tiġi kkomunikata biss lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-BĊE jinnota wkoll li l-Komunikazzjoni dwar l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Programm Pericles 2020 ġiet ippreżentata biss lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (6). Il-BĊE jenfasizza l-ħtieġa (1) biex ikun involut b'mod regolari fit-tħejjija tar-rapporti ta' evalwazzjoni matul il-programm biex jirrifletti l-miżuri li jkun ħa u l-involviment attiv tiegħu fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar; (2) għal rispons minn entitajiet li jipparteċipaw attivament f'miżuri rilevanti flimkien mal-Kummissjoni biex jiġu inklużi b'mod xieraq fir-rapporti ta' evalwazzjoni u l-komunikazzjonijiet; u (3) sabiex jinżamm regolarment infurmat fil-ġejjieni dwar il-programm. Għaldaqstant, il-BĊE jirrakkomanda li jiġu emendati l-Artikoli 12(3) u 13(3) tar-regolament propost sabiex jiġi żgurat li l-BĊE jingħata kemm informazzjoni annwali dwar ir-riżultati tal-programm kif ukoll evalwazzjonijiet fil-frattemp tal-programm. |
|
2.4. |
L-Artikolu 11 tar-regolament propost jipprovdi għal delegazzjoni lill-Kummissjoni, li b'mod partikolari għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tiżviluppa d-dispożizzjonijiet għal qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni skont l-Artikolu 12(2). Il-BĊE jinnota li din is-setgħa hija diġà prevista fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 331/2014. Madankollu, il-BĊE jinnota wkoll li l-Artikolu 133 tat-Trattat jeħtieġ li l-BĊE jiġi kkonsultat qabel ma jiġu stabbiliti l-miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro bħala l-munita unika. Dan l-obbligu mhuwiex limitat għar-regolament propost, iżda japplika wkoll għal atti delegati li jittrattaw oqsma ta' kompetenza definiti fl-att leġiżlattiv bażiku. Il-BĊE jiġi kkonsultat dwar ir-regolament propost skont l-Artikolu 133 tat-Trattat u, għaldaqstant, għandu jiġi kkonsultat ukoll qabel l-adozzjoni ta' kwalunkwe att delegat previst fl-Artikolu 12(2) tar-regolament propost peress li dawn huma miżuri implimentattivi bl-iskop li jipproteġu l-euro kontra iffalsifikar u bħala tali huma meħtieġa għall-użu tal-euro bħala l-munita unika. Fil-kuntest tal-Artikolu 11(4), li jirrikjedi li l-Kummissjoni tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru qabel ma tadotta att delegat, il-BĊE jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha wkoll tikkonsulta formalment lill-BĊE. |
Meta l-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, qed jiġu previsti proposti speċifiċi tal-abbozzar f'dokument ta' ħidma tekniku separat flimkien ma' test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta' ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.
Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta' Awwissu 2018.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) COM (2018) 369 final.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”) u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE (ĠU L 103, 5.4.2014, p. 1).
(3) Ara paragrafu 1 tal-Opinjoni CON/2006/35 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta' Lulju 2006 fuq it-talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill proposti dwar programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU C 163, 14.7.2006, p. 7), u l-paragrafu 1.1 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2012/17 tat-2 ta' Lulju 2012 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU C 137, 12.5.2012, p. 7). L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.
(4) Ara l-paragrafu 8 tal-Opinjoni CON/2005/22 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta' Ġunju 2005 fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill proposti dwar programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU C 161, 1.7.2005, p. 11), paragrafu 2.2 tal-Opinjoni CON/2006/35 u l-paragrafu 2.4 tal-Opinjoni CON/2012/17.
(5) Ara l-paragrafu 2.5 tal-Opinjoni CON/2012/17.
(6) Ara l-premessa 6 tar-regolament propost.
|
19.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 378/5 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-22 ta’ Awwissu 2018
fuq ir-rieżami tat-trattament prudenzjali tad-ditti tal-investiment
(CON/2018/36)
(2018/C 378/04)
Introduzzjoni u bażi legali
Fis-26 u d-29 ta’ Jannar 2018 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talbiet mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali ta’ ditti ta’ investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 1093/2010 u proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2013/36/UE u 2014/65/UE (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament propost” u d-“direttiva proposta”, kollettivament imsejħa l-“atti proposti”).
Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi l-atti proposti fihom dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompiti tal-BĊE dwar politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat u l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (2) u l-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali għat-tmexxija bla xkiel ta’ politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
Osservazzjonijiet ġenerali
Il-BĊE jappoġġja l-għan tal-atti proposti fl-istabbiliment ta’ qafas prudenzjali li huwa adattat aħjar għar-riskji u l-mudelli kummerċjali ta’ tipi differenti ta’ ditti tal-investiment.
Filwaqt li l-BĊE ġeneralment jappoġġja l-għan li jissuġġetta ditti ta’ investiment sistematikament importanti għall-istess regoli prudenzjali bħal istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-atti proposti għandhom jiġu evalwati b’attenzjoni sabiex jiġu evitati konsegwenzi mhux intenzjonati għal atti legali oħra tal-Unjoni minħabba l-bidla fid-definizzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Din l-opinjoni tenfasizza b’mod partikolari ċerti implikazzjonijiet għar-reġim tal-istatistika. Madankollu, dawn l-effetti ma humiex limitati għall-qafas tal-istatistika.
Bħalissa, l-istituzzjonijiet tal-kreditu biss jistgħu jkunu kontropartijiet eliġibbli għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema (3). Il-konsegwenzi possibbli tal-inklużjoni ta’ ditti tal-Klassi 1 fid-definizzjoni ta ’“istituzzjoni ta’ kreditu” għandhom jiġu evalwati bir-reqqa mill-BĊE.
1. Klassifikazzjoni ta’ ditti ta’ investiment bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu
Il-Kummissjoni tipproponi tliet klassijiet ta’ investiment: (i) ditti ta’ investiment li n-negozju tagħhom jikkonsisti f’negozju fuq il-kont proprju u/jew sottoskrizzjoni ta’ strumenti finanzjarji u/jew tqegħid ta’ strumenti finanzjarji fuq bażi ta’ impenn sod (4) u li l-assi totali tagħhom jaqbżu EUR 30 biljun, jew ditti tal-investiment li huma parti minn grupp ta’ impriżi li jwettqu dawn l-attivitajiet b’assi totali li jaqbżu EUR 30 biljun (5) (ditti tal-Klassi 1); (ii) ditti ta’ investiment li jilħqu limiti speċifiċi (6) (ditti tal-Klassi 2); u (iii) id-ditti tal-investiment kollha li jifdal (ditti tal-Klassi 3). Ditti tal-Klassi 1 huma kklassifikati bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu u bħala tali għandhom ikunu suġġetti għad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Bħala konsegwenza, id-ditti tal-Klassi 1, minħabba li jsiru istituzzjonijiet ta’ kreditu skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, ikunu soġġetti għal superviżjoni mill-BĊE fil-qafas tal-Mekkaniżmu ta’ Sorveljanza Uniku (9).
Peress li r-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jiddikjara speċifikament li ma jagħti ebda kompitu superviżorju ieħor lill-BĊE, huwa rikonoxxut, minn perspettiva legali, li mezz alternattiv biex jiżgura li l-BĊE jissorvelja d-ditti tal-Klassi 1 seta’ kien li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 sabiex jagħti kompiti speċifiċi lill-BĊE dwar is-superviżjoni prudenzjali ta’ ditti tal-Klassi 1. F’termini tal-impatt fuq il-kompetenzi superviżorji tal-BĊE, ta’ min ifakkar li n-numru ta’ ditti tal-Klassi 1 huwa limitat, u li hemm sovrappożizzjoni fis-servizzi pprovduti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-Klassi 1. Għaldaqstant, l-impatt tar-regolament propost fuq il-BĊE jidher li huwa marġinali (10).
Skont ir-regolament propost, il-kriterji skont liema ditta tal-investiment għandha titqies bħala istituzzjoni ta’ kreditu skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (11) għandhom l-għan li jaqbdu ditti tal-investiment sistemiċi b’assi totali ’l fuq minn ċerti limiti.
Il-BĊE jilqa’ din il-proposta minħabba li ditti li jissodisfaw dawn il-kriterji jistgħu joħolqu riskji żejda ta’ stabbiltà finanzjarja kif ukoll riskju akbar ta’ effetti sekondarji fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra, minħabba d-daqs u l-interkonnettività tagħhom u minħabba l-iskopertura tagħhom għal riskju sostanzjali ta’ kreditu tal-kontroparti u r-riskju tas-suq għall-pożizzjonijiet li huma jieħdu f’isimhom stess. B’mod ġenerali, id-distinzjoni proposta tiżgura l-applikazzjoni ta’ standards superviżorji prudenti u konsistenti sabiex tiżgura kundizzjonijiet ugwali għal istituzzjonijiet simili għal istituzzjonijiet ta’ kreditu. Madankollu, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà eżistenti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-superviżjoni ta’ friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu minn pajjiżi terzi, ir-regolament propost għandu jipprovdi kjarifika dwar kif l-assi għandhom jiġu kkalkulati, jiġifieri inklużi assi ta’ friegħi tal-Unjoni ta’ gruppi ta’ pajjiżi terzi u sussidjarji ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi fl-Unjoni li jirriżultaw mill-karta tal-bilanċ konsolidata tagħhom.
Barra minn hekk, minħabba li l-assi totali mhumiex l-unika miżura biex tiġi identifikata l-importanza sistemika tad-ditti tal-investiment, huwa ssuġġerit li l-limitu tal-assi totali jista’ jkun ikkumplimentat bi kriterji oħra inkluż pereżempju kriterju tad-dħul, sinifikat ta’ attività ta’ ġurisdizzjoni transkonfinali jew interkonnettività. Ikun mixtieq li dawn il-kriterji jiġu allinjati kemm jista’ jkun mal-kriterji għas-sinifikat deskritt fir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, filwaqt li titqies ukoll ir-rakkomandazzjoni tal-ABE (12). F’dan id-dawl, għal darba’oħra inkisbet esperjenza mar-reġim propost, jista’ jkun hemm mertu fir-raffinament ulterjuri ta’ dawn il-kriterji fuq il-bażi ta’ metodoloġija sottostanti għall-valutazzjoni tar-riskju sistemiku maħluq mid-ditti tal-investiment, biex jiġi żgurat li tilħaq l-għanijiet tagħha u ma jirriżultawx f’konsegwenzi mhux mixtieqa eċċessivi, pereżempju permezz ta’ arbitraġġ regolatorju.
Id-Direttiva 2013/36/UE tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtorità kompetenti għall-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni tad-ditti tal-investiment jekk id-ditta tal-investiment rilevanti tkun ikkontrollata mill-istess persuni fiżiċi jew ġuridiċi bħal dawk li jikkontrollaw l-istituzzjoni ta’ kreditu (13). Id-direttiva proposta għandha, għalhekk, tiċċara li konsultazzjoni bħal din hija meħtieġa wkoll meta ditta tal-investiment tkun ikklassifikata mill-ġdid bħala istituzzjoni ta’ kreditu (14).
Fit-23 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 2013/36/UE (15), li fuqha ġie kkonsultat il-BĊE. Taħt dik il-proposta, istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment ta’ pajjiż terz ikunu obbligati li jistabbilixxu, fejn jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet, impriża prinċipali tal-UE li tikkonsolida l-assi kollha tagħhom fl-Unjoni (16). Il-BĊE jtenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-proposta intermedja tal-impriża prinċipali tal-UE introdotta mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ reviżjonijiet għad-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 (17). Sabiex jiġi evitat id-dubju, l-emenda proposta għad-definizzjoni ta’ “istituzzjonijiet” fir-regolament propost m’għandhiex teskludi kumpaniji ta’ investiment milli jkunu meħtieġa jistabbilixxu impriża prinċipali intermedjarja tal-UE.
2. Awtorizzazzjoni ta’ ċerti ditti ta’ investiment bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu
Skont id-direttiva proposta, ir-responsabbiltà għall-awtorizzazzjoni ta’ kumpanija tal-investiment li taqa’ fid-definizzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu hija assenjata lill-awtorità kompetenti għall-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE (18). L-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment għandhom ikunu meħtieġa jikkooperaw, speċjalment sabiex jiżguraw li, jekk jintlaħqu l-limiti taħt ir-regolament propost, ditti ta’ investiment japplikaw minnufih għal awtorizzazzjoni minħabba li istituzzjonijiet ta’ kreditu u superviżjoni jistgħu jiġu assunti mingħajr xkiel mis-superviżur bankarju (19).
Filwaqt li d-direttiva proposta tistipula li dawk id-ditti tal-investiment li jistgħu jiġu kklassifikati bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jiksbu awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ kreditu, hija meħtieġa kjarifika dwar x’jiġri hekk kif tingħata l-awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ kreditu (20). Id-direttiva proposta għandha tiċċara wkoll il-konsegwenzi għal ditta tal-investiment li laħqet il-limitu imma topera mingħajr l-awtorizzazzjoni rilevanti għal perjodu estiż ta’ żmien u li l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni sussegwentement tiġi miċħuda mill-awtorità kompetenti. F’dan il-każ, tista’ tqum mistoqsija dwar l-awtorità kompetenti rilevanti għas-sanzjonar tad-ditta tal-investiment biex topera bħala istituzzjoni ta’ kreditu mingħajr awtorizzazzjoni, sew jekk tkun l-awtorità kompetenti għas-superviżjoni ta’ ditti tal-investiment jew inkella l-awtorità kompetenti għal superviżjoni ta’ kreditu istituzzjonijiet. Barra minn hekk, id-direttiva proposta għandha tispeċifika aktar li d-ditti tal-investiment li jissodisfaw id-definizzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, irrispettivament taħt liema parti mid-definizzjoni jaqgħu l-attivitajiet tagħhom, huma permessi biss li jwettqu attivitajiet bankarji tradizzjonali (eż., jirċievu depożiti mill-pubbliku jew jagħtu self) wara li jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni biex iwettqu l-attivitajiet bankarji kollha (21). Għalhekk, sakemm tingħata awtorizzazzjoni bħal din, dawn l-entitajiet għandhom iwettqu biss attivitajiet li għalihom ġew awtorizzati bħala ditta tal-investiment.
3. Implikazzjonijiet statistiċi
Il-BĊE jinnota l-importanza li jiġi żgurat livell għoli ta’ konsistenza u metodoloġiji armonizzati għal kunċetti u definizzjonijiet statistiċi fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u bejn il-leġiżlazzjoni statistika tal-Unjoni u l-istandards statistiċi internazzjonali, b’mod partikolari s-Sistema ta’ Kontijiet Nazzjonali adottata mill-Kummissjoni dwar l-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti (22). Għal din ir-raġuni, il-BĊE qabel kien laqa’ li d-definizzjoni tas-subsettur ta’ “istituzzjoni monetarja finanzjarja (MFI) fl-ESA 2010 (23) issegwi d-definizzjoni (24) tal-BĊE li jagħmel referenza espressa għaliha (25).
Barra minn hekk, ċerti regolamenti statistiċi tal-BĊE jiddefinixxu l-popolazzjoni li tirrapporta b’referenza diretta għad-definizzjoni ta’ MFIs fir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (26) jew billi jinvokaw subsettur ta’ “korporazzjonijiet li jieħdu d-depożiti ħlief il-bank ċentrali” (ESA subsettur S.122) jew billi jirriferu għal “istituzzjonijiet ta’ kreditu” kif definiti fl-Artikolu 4(1)(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (27).
Ir-regolament propost jinkludi ditti fi ħdan id-definizzjoni ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu” li, sakemm huma prinċipalment involuti f’intermedjazzjoni finanzjarja minbarra li jieħdu depożiti (jew sostituti mill-qrib għal depożiti), jaqgħu taħt is-subsettur ESA “Intermedjarji finanzjarji oħra, ħlief korporazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u fondi tal-pensjoni” (S.125). Dan is-subsettur mhuwiex, madankollu, fl-ambitu tad-definizzjoni tal-MFI fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, jekk id-ditti tal-Klassi 1 jiġu kklassifikati bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu, ikun hemm inkonsistenzi fl-istandards, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet komuni ta’ rilevanza għat-trattament statistiku ta’ korporazzjonijiet finanzjarji stabbiliti f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għandhom jiġu rimedjati.
4. Perspettiva makroprudenzjali fuq id-ditti tal-investiment
L-atti proposti ma jaċċettawx ir-rakkomandazzjonijiet tal-EBA dwar il-ħtieġa ta’ perspettiva makroprudenzjali dwar id-ditti tal-investiment (28). Reviżjoni futura possibbli tal-kriterji għad-determinazzjoni ta’ ditti ta’ investiment sistemiku tista’ wkoll tikkunsidra jekk ċerti għodod makroprudenzjali jistgħux jiġu żviluppati biex jindirizzaw riskji speċifiċi li ditti ta’ investiment iżgħar jistgħu joħolqu għall-istabbiltà finanzjarja. Pereżempju, ditti ta’ investiment iżgħar li huma parteċipanti sinifikanti fis-suq, jidħlu f’attivitajiet transkonfinali jew huma konnessi ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jiffunzjonaw bħala amplifikaturi tax-xokkijiet.
5. Forniment ta’ servizzi minn ditti ta’ pajjiżi terzi
Rigward il-proposta tal-Kummissjoni biex issaħħaħ u tkompli tarmonizza l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għal friegħi ta’ ditti ta’ investiment ta’ pajjiżi terzi (29), il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jixtieq jagħti konsiderazzjoni ulterjuri għall-possibbiltà li jiġu applikati regoli armonizzati għall-friegħi kollha, anke dawk li jipprovdu servizzi lil klijenti professjonali u kontropartijiet eliġibbli, sabiex jiġi żgurat li r-riskji materjali jiġu indirizzati b’mod konsistenti fl-Unjoni kollha u biex jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju. F’dan ir-rigward, l-atti proposti jirrikonoxxu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment huma istituzzjonijiet kwalitattivament differenti b’mudelli ta’ negozju primarji differenti, iżda b’ċertu livell ta’ sovrapożizzjoni fis-servizzi li jistgħu jipprovdu (30). Fid-dawl ta’ dan, tista’ titqies riflessjoni ulterjuri dwar toroq possibbli għal arbitraġġ regolatorju, pereżempju fir-rigward tat-trattament ta’ friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ pajjiżi terzi, li forsi għandu jkun konsistenti mat-trattament propost ta’ friegħi ta’ ditti ta’ investiment ta’ pajjiżi terzi u għalhekk ukoll aktar armonizzat fil-livell tal-Unjoni.
Ir-regolament propost isaħħaħ ir-reġim imfisser fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 (31) fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi u t-twettiq ta’ attivitajiet minn ditti ta’ investiment ta’ pajjiżi terzi wara li tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ ekwivalenza. L-ekwivalenza tar-reġimi regolatorji ta’ pajjiżi terzi tintuża f’oqsma differenti tal-liġi u l-konsistenza rilevanti tal-Unjoni u t-tisħiħ addizzjonali għal dawk l-approċċi jistgħu jiġu kkunsidrati aktar. Fl-istess ħin, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jixtieq jikkunsidra aktar jekk ir-reġim tal-ekwivalenza fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 għandux ikun limitat (eż. billi jillimita dan ir-reġim għall-għoti ta’ pariri dwar investiment u t-tqegħid ta’ strumenti finanzjarji mingħajr bażi ta’ impenn sod għal klijenti professjonali u kontropartijiet eliġibbli). Barra minn hekk, tista’ tingħata konsiderazzjoni jekk ir-reġim attwali għad-ditti ta’ investiment ta’ pajjiżi terzi għandux ikompli jħalli r-regolamentazzjoni ta’ servizzi ta’ investiment minn ditti ta’ investiment ta’ pajjiżi terzi mhux ekwivalenti għal Stati Membri, billi l-Istati Membri u s-superviżuri nazzjonali ma jistgħux isolvu unilateralment ir-riskji sistemiċi minn, pereżempju, ċerti ditti kbar li joperaw fuq bażi transkonfinali lil hinn mill-ambitu tal-ġurisdizzjonijiet nazzjonali. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs, possibilità waħda tista’ tkun li jiġi żgurat li ditti ta’ pajjiżi terzi li mhumiex ekwivalenti jkunu meħtieġa matul iż-żmien biex jistabbilixxu fergħa (jew sussidjarja) fl-Unjoni sabiex jipprovdu kwalunkwe servizz ta’ investiment fl-Unjoni.
6. Allinjament
|
6.1. |
L-interazzjoni bejn l-atti proposti u d-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandha tiġi evalwata b’attenzjoni sabiex jiġu evitati konsegwenzi mhux intenzjonati minħabba l-bidla fid-definizzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Il-proposta ma taffettwax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-konsolidazzjoni taħt ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew ir-rekwiżit li ditti ta’ investiment li huma jew sidien ta’ entitajiet fi ħdan grupp bankarju jew li huma sussidjarji ta’ entitajiet fi ħdan grupp bankarju għandhom jiġu inklużi fi ħdan l-ambitu ta’ din il-konsolidazzjoni. Kwalunkwe emendi ulterjuri għall-atti proposti għandhom jiġu riveduti bir-reqqa bil-għan li jinżamm l-ambitu tal-konsolidazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Bl-istess mod, għandha tkun żgurata koerenza bejn l-atti proposti u ċerti emendi għad-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013, li huma mistennija jidħlu fis-seħħ fix-xhur li ġejjin. |
|
6.2. |
Id-direttiva proposta tipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti u l-persuni kollha assoċjati ma’ dawk l-awtoritajiet huma marbuta b’obbligu ta’ segretezza professjonali (32). Il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti fid-direttiva proposta huwa differenti mid-dispożizzjonijiet dwar is-segretezza professjonali fid-Direttiva 2013/36/UE u d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33). Il-proposti għandhom jimmiraw li jallinjaw il-kliem fl-atti settorjali differenti tad-dritt tal-Unjoni sabiex jarmonizzaw, fejn xieraq, l-ambitu tal-obbligi ta’ segretezza professjonali. |
|
6.3. |
Huwa ssuġġerit li tiġi evitata r-replika ta’ definizzjonijiet eżistenti. Pereżempju, it-terminu “korp ta’ ġestjoni fil-funzjoni superviżorja tiegħu” huwa ddefinit kemm fid-Direttiva 2013/36/UE kif ukoll fid-direttiva proposta. |
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta’ Awwissu 2018.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) COM (2017) 790 finali u COM (2017) 791 finali.
(2) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).
(3) Ara l-Artikolu 55 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).
(4) Servizzi taħt il-punti (3) u (6) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(5) Meta l-impriża jkollha valur totali ta’ assi inqas minn EUR 30 biljun f’livell waħdieni, iżda hija parti minn grupp li l-valur totali tal-assi kkombinat tagħha jeċċedi EUR 30 biljun (jiġifieri valur totali tal-assi kombinat ta’ entitajiet fi ħdan il-grupp li jipprovdu s-servizzi rilevanti u għandhom il-valuri totali tal-assi taħt EUR 30 biljun), kull impriża fi ħdan il-grupp li jipprovdi s-servizzi rilevanti se tkun istituzzjoni ta’ kreditu; jew fejn il-valur totali tal-assi tal-impriżi kollha fi grupp kollu li jġorr is-servizzi rilevanti jaqbeż EUR 30 biljun (jiġifieri impriża prinċipali u sussidjarji) is-superviżur konsolidanti f’konsultazzjoni mal-kulleġġ jista’ jiddeċiedi li jikklassifika impriża waħda jew aktar grupp b’valur ta’ assi totali ta’ anqas minn EUR 30 biljun f’livell waħdieni bħala istituzzjoni ta’ kreditu sabiex jindirizza riskji potenzjali ta’ evażjoni u riskji potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.
(6) Ara l-Artikolu 12 tar-regolament propost.
(7) Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(8) Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(9) Ara l-premessa 33 tar-regolament propost u l-paġna 26 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Reviżjoni tal-qafas prudenzjali għad-ditti tal-investiment” li jakkumpanjaw l-atti proposti (SWD (2017) 481 finali.
(10) Ara t-tielet paragrafu tal-paġna 2 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni għar-regolament propost.
(11) Ara l-Artikolu 60 tar-regolament propost.
(12) Ara l-Opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea bi tweġiba għas-Sejħa għal Konsulenza dwar Ditti ta’ Investiment tal-Kummissjoni Ewropea (ABE/Op/2017/11) tad-29 ta’ Settembru 2017. Ir-Rakkomandazzjoni 4 tiddikjara li sabiex jiġu identifikati ditti tal-Klassi 1 l-ABE għandha tiżviluppa Standards Tekniċi Regolatorji ta’ Livell 2 apposta sabiex twettaq tali identifikazzjoni, filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet tad-ditti tal-investiment.
(13) Ara l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2013/36/KE.
(14) Ara l-emenda proposta għall-Artikolu 57(6a)(ġdid) tad-direttiva proposta.
(15) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta’ entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, ir-rimunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta’ konservazzjoni kapitali (COM(2016) 854 final).
(16) Issir referenza għall-Artikolu 21b propost tad-Direttiva 2013/36/UE. 0000000 Ara wkoll il-paragrafu 1.6 tal-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta’ Novembru 2017 dwar emendi għall-qafas tal-Unjoni għal rekwiżiti kapitali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (CON/2017/46) (ĠU C 34, 31.1.2018, p. 5). L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.
(17) Ara wkoll l-paragrafu 1.6 tal-Opinjoni CON/2017/46.
(18) Huwa nnotat f’dan ir-rigward li l-awtorità kompetenti għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandha tikkonsulta f’ċerti ċirkustanzi lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tad-ditti tal-investiment qabel ma jagħtu awtorizzazzjoni lil istituzzjoni ta’ kreditu.
(19) Ara l-emenda proposta għall-Artikolu 5(2) tad-direttiva proposta.
(20) Ara f’dan ir-rigward ukoll il-Premessa 38 tad-Direttiva 2014/65/UE li tipprovdi: “L-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE ma għandux ikollhom bżonn ta’ awtorizzazzjoni oħra skont din id-Direttiva sabiex jipprovdu servizzi ta’ investiment jew iwettqu attivitajiet tal-investiment. Meta istituzzjoni ta’ kreditu tiddeċiedi li tipprovdi servizzi ta’ investiment jew li twettaq attivitajiet ta’ investiment, l-awtoritajiet kompetenti, qabel ma jagħtu awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2013/36/UE, għandhom jivverifikaw illi din tikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva”.
(21) Ara l-emenda proposta għall-Artikolu 57(6) tad-direttiva proposta.
(22) Ara l-Kummissjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp, in-Nazzjonijiet Uniti, il-Bank Dinji, is-Sistema Ewropea tal-Kontabilità 2008 (New York, 2009), disponibbli fi: https://unstats.un.org/unsd/nationalaccount/docs/SNA2008.pdf.
(23) L-ESA 2010 hija s-Sistema Ewropea ta’ Kontijiet stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).
(24) Arar l-Artikolu 1(a) tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2013 dwar il-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (riformulazzjoni) (BĊE/2013/33), (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 1).
(25) Ara l-paragrafu 6 tal-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (CON/2011/44) C 203, tad-9.7.2011, p. 3).
(26) Ara, pereżempju, ir-Regolament (UE) Nru 1011/2012 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2012 dwar statistika fuq investimenti f’titoli (BĊE/2012/24) (ĠU L 305, 1.11.2012, p. 6); Regolament (UE) Nru 1072/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2013 dwar statistika fuq rati ta’ imgħax applikati minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2013/34) (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 51); Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar l-istatistika tas-swieq monetarji (BĊE/2014/48) (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 97).
(27) Ara l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2016 dwar il-ġbir ta’ mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2016/13) (ĠU L 144, 1.6.2016, p. 44).
(28) Ara l-Opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea bi tweġiba għas-Sejħa għal Konsulenza dwar Ditti ta’ Investiment tal-Kummissjoni Ewropea (ABE/Op/2017/11) tad-29 ta’ Settembru 2017. Ir-Rakkomandazzjoni 60 ta’ dik l-opinjoni tiddikjara li r-reġim prudenzjali l-ġdid għad-ditti tal-investiment għandu jinkludi perspettiva makroprudenzjali. F’dan ir-rigward, għandha tiġi enfasizzata l-importanza li jittaffew l-akkumulazzjoni u l-materjalizzazzjoni ta’ riskji sistemiċi bil-ħsieb li jiġi determinat jekk għodda xierqa makroprudenzjali biex jindirizzaw dawk ir-riskji għandhiex tiġi żviluppata. Ir-Rakkomandazzjoni 61 tiddikjara li hija meħtieġa analiżi dettaljata li tevalwa l-impatt sistemiku potenzjali tat-tliet klassijiet tad-ditti tal-investiment. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat jekk il-perspettiva makroprudenzjali għandhiex tkun adattata għall-ispeċifiċitajiet tal-mudelli ta’ negozju tal-kumpaniji ta’ investiment. Ara wkoll il-Karta ta’ diskussjoni tal-ABE “Designing a new prudential regime for investment firms” (EBA/DP/2016/02) tal-4 ta’ Novembru 2016.
(29) Ara l-Artikolu 58(3) tad-Direttiva proposta, intiża biex temenda l-Artikolu 41 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(30) Ara l-paġna 2 tal-memorandum spjegattiv tad-direttiva proposta u paġna 2 tal-memorandu spjegattiv tad-direttiva proposta.
(31) Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
(32) Ara Artikolu 13 tad-direttiva proposta.
(33) Ara l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/36/UE u l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/65/UE.
IV Informazzjoni
INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA
Il-Kummissjoni Ewropea
|
19.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 378/10 |
Rata tal-kambju tal-euro (1)
It-18 ta’ Ottubru 2018
(2018/C 378/05)
1 euro =
|
|
Munita |
Rata tal-kambju |
|
USD |
Dollaru Amerikan |
1,1505 |
|
JPY |
Yen Ġappuniż |
129,44 |
|
DKK |
Krona Daniża |
7,4606 |
|
GBP |
Lira Sterlina |
0,87843 |
|
SEK |
Krona Żvediża |
10,3330 |
|
CHF |
Frank Żvizzeru |
1,1451 |
|
ISK |
Krona Iżlandiża |
136,80 |
|
NOK |
Krona Norveġiża |
9,4598 |
|
BGN |
Lev Bulgaru |
1,9558 |
|
CZK |
Krona Ċeka |
25,863 |
|
HUF |
Forint Ungeriż |
322,42 |
|
PLN |
Zloty Pollakk |
4,2989 |
|
RON |
Leu Rumen |
4,6683 |
|
TRY |
Lira Turka |
6,4190 |
|
AUD |
Dollaru Awstraljan |
1,6119 |
|
CAD |
Dollaru Kanadiż |
1,5009 |
|
HKD |
Dollaru ta' Hong Kong |
9,0192 |
|
NZD |
Dollaru tan-New Zealand |
1,7522 |
|
SGD |
Dollaru tas-Singapor |
1,5863 |
|
KRW |
Won tal-Korea t'Isfel |
1 306,55 |
|
ZAR |
Rand ta' l-Afrika t'Isfel |
16,4104 |
|
CNY |
Yuan ren-min-bi Ċiniż |
7,9835 |
|
HRK |
Kuna Kroata |
7,4210 |
|
IDR |
Rupiah Indoneżjan |
17 480,12 |
|
MYR |
Ringgit Malażjan |
4,7821 |
|
PHP |
Peso Filippin |
62,137 |
|
RUB |
Rouble Russu |
75,5050 |
|
THB |
Baht Tajlandiż |
37,512 |
|
BRL |
Real Brażiljan |
4,2453 |
|
MXN |
Peso Messikan |
21,8143 |
|
INR |
Rupi Indjan |
84,6850 |
(1) Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.
V Avviżi
PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI
Il-Kummissjoni Ewropea
|
19.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 378/11 |
Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni
(Il-Każ M.9144 — Michael Kors/Gianni Versace)
Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2018/C 378/06)
1.
Fil-11 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:
|
— |
Michael Kors Holding Limited (“MKHL”, l-Istati Uniti tal-Amerika), |
|
— |
Gianni Versace SpA (“Versace”, l-Italja). |
MKHL takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll ta’ Versace kollha kemm hi.
Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.
2.
L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:— MKHL: id-disinn, l-iżvilupp, il-manifattura, id-distribuzzjoni, il-bejgħ bl-ingrossa, il-bejgħ bl-imnut u l-liċenzjar mad-dinja kollha ta’ prodotti ta’ lussu tal-marki tad-ditta Michael Kors u Jimmy Choo, bħalma huma aċċessorji ta’ lussu, xedd is-saqajn u lbies,
— Versace: id-disinn, l-iżvilupp, il-manifattura, id-distribuzzjoni, il-bejgħ bl-ingrossa, il-bejgħ bl-imnut u l-liċenzjar mad-dinja kollha ta’ prodotti ta’ lussu tal-marki tad-ditta Versace, bħalma huma aċċessorji ta’ lussu, xedd is-saqajn u lbies.
3.
Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.
4.
Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista' jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:
M.9144 — Michael Kors/Gianni Versace
Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:
|
Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu |
|
Faks: +32 22964301 |
|
Indirizz tal-posta: |
|
European Commission |
|
Directorate-General for Competition |
|
Merger Registry |
|
1049 Bruxelles / Brussel |
|
BELGIQUE / BELGIË |
(1) ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).