ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 265

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
27 ta' Lulju 2018


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 265/01

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2018 dwar linji gwida dwar il-kriterji ta’ trattament indaqs u ta’ trasparenza li għandhom jiġu applikati mill-ENTSO-E u l-ENTSOG meta jiżviluppaw it-TYNDPs tagħhom kif stipulat fl-Anness III 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

1


 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 265/02

Avviż tal-Kummissjoni li jikkonċerna lista ta’ sustanzi attivi potenzjalment b’riskju baxx approvati għall-użu fil-protezzjoni tal-pjanti

8

2018/C 265/03

Bidu ta’ proċeduri (Il-Każ M.8909 — KME/MKM) ( 1 )

12


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 265/04

Rata tal-kambju tal-euro

13

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2018/C 265/05

Informazzjoni li taw l-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

14

2018/C 265/06

Notifika min-Netherlands tal-applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 li tikkonċerna r-regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku għall-ajruport ta’ Schiphol u għall-ajruport ta’ Lelystad ( 1 )

15


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 265/07

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.9045 — Blackstone/Averys) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

16


 

Rettifika

2018/C 265/08

Rettifika tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) — Lista ta’ Stati Membri li jkunu ddeċidew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR għal titjiriet fl-UE kif hemm imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (passenger name record, PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (Jekk Stat Membru jiddeċiedi li japplika din id-Direttiva għal titjiriet fl-UE, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miktub. Stat Membru jista’ jagħti jew jirrevoka tali notifika fi kwalunkwe mument. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik in-notifika u kwalunkwe revoka tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea) ( ĠU C 196, 8.6.2018 )

18


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Kummissjoni Ewropea

27.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 265/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Lulju 2018

dwar linji gwida dwar il-kriterji ta’ trattament indaqs u ta’ trasparenza li għandhom jiġu applikati mill-ENTSO-E u l-ENTSOG meta jiżviluppaw it-TYNDPs tagħhom kif stipulat fl-Anness III 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2018/C 265/01)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Anness III 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (1) (“ir-Regolament tat-TEN-E”),

Billi:

(1)

Il-Pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk (“TYNDP”) għall-elettriku, kif ukoll it-TYNDP għall-gass, huma dokumenti mhux vinkolanti, li jkopru l-Unjoni kollha, imfasslin u ppubblikati kull sentejn min-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (“ENTSO-E”) u min-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass (“ENTSOG”), rispettivament, bil-għan li jivvalutaw, skont ir-rekwiżiti legali kollha, kif il-proġetti Ewropej kollha rilevanti jikkontribwixxu għat-titjib tas-sistemi Ewropej tal-elettriku u tal-gass.

(2)

Ir-Regolament tat-TEN-E jirrikjedi li proġetti kandidati tal-elettriku u tal-gass jiddaħħlu fit-TYNDP rilevanti bħala prekundizzjoni għat-tressiq tagħhom bħala kandidati għall-inklużjoni fil-listi ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni tal-Unjoni kollha.

(3)

Ir-Regolament tat-TEN-E jirrikjedi li l-Kummissjoni Ewropea toħroġ linji gwida dwar il-kriterji li għandhom jiġu applikati mill-ENTSO-E u mill-ENTSOG meta jiżviluppaw it-TYNDPs rispettivi tagħhom, sabiex jiżguraw it-trattament indaqs u t-trasparenza fil-proċess.

(4)

Il-Kummissjoni ħejjiet din il-gwida mhux vinkolanti dwar il-prinċipji ewlenin li għandhom jiġu rispettati, kif ukoll l-aspetti li għandhom jiġu indirizzati fid-dokumenti ta’ implimentazzjoni prattika li jiġu adottati u użati mill-ENTSO-E u mill-ENTSOG meta jħejju t-TYNDPs rispettivi tagħhom,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

In-Netwerks Ewropej tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E) u tal-Gass (ENTSOG) għandhom isegwu l-linji gwida mhux legalment vinkolanti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Dawn il-linji gwida għandhom jgħinu biex jiżguraw it-trattament indaqs u t-trasparenza fil-proċess għall-iżvilupp tal-Pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk, kif inhu rikjest mill-Anness III 2(5) tar-Regolament tat-TEN-E (ir-Regolament (UE) Nru 347/2013).

2.

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Miguel ARIAS CAÑETE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.


ANNESS

1.   DAĦLA

1.1.   Għan tal-Linji gwida

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni “Linji gwida dwar il-kriterji ta’ trattament indaqs u ta’ trasparenza li għandhom jiġu applikati mill-ENTSO-E u l-ENTSOG meta jiżviluppaw it-TYNDPs tagħhom” (“il-Linji gwida”) tqiegħed fil-prattika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (1) (“ir-Regolament tat-TEN-E”).

It-TYNDPs għall-elettriku u għall-gass huma dokumenti ta’ referenza Ewropej komprensivi u aġġornati għan-netwerks ta’ trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass. It-TYNDPs huma dokumenti li joħorġu kull sentejn, u li jagħtu ħarsa wiesgħa lejn il-pjanijiet ta’ espansjoni tat-trażmissjoni identifikati bħala meħtieġa biex jiżguraw li l-grilja ta’ trażmissjoni tiffaċilita l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE. It-TYNDPs iservu ta’ bażi li minnha tinsilet il-lista ta’ Proġetti ta’ interess komuni (PCIs) fis-setturi tal-elettriku u tal-gass. Il-proġetti tal-gass u tal-elettriku li huma inklużi fit-TYNDPs biss jistgħu applikaw biex isiru PCIs, u l-valutazzjoni tagħhom tibbaża b’mod sinifikanti fuq l-analiżijiet tal-kostijiet u l-benefiċċji speċifiċi għall-proġetti, ipprovduti mit-TYNDPs.

Il-Linji gwida jfissru l-qafas legali li japplika għall-proċess ta’ tfassil u ta’ adozzjoni tat-TYNDPs. Jimmiraw li jiżguraw proċess ġust, ugwali u trasparenti għall-inklużjoni ta’ proġetti fit-TYNDP billi jistabbilixxu struttura, kontenut u prinċipji li għandhom jiżguraw il-konsistenza bejn iż-żewġ proċessi tat-TYNDP kif ukoll interpretazzjoni uniformi tal-prinċipji u r-regoli applikabbli miż-żewġ ENTSOs. Jipprovdu qafas ġenerali għall-adozzjoni, għar-reviżjoni u għall-applikazzjoni tad-dokumenti ta’ implimentazzjoni prattika li għandhom jiġu adottati u użati mill-ENTSO-E u mill-ENTSOG, rispettivament, biex jiżguraw trattament ugwali u trasparenza tul dawn l-eżerċizzji.

It-tfassil ta’ dawn il-linji gwida huwa rikjest mill-Anness III 2(5) tar-Regolament tat-TEN-E dwar il-proċess għall-istabbiliment ta’ listi reġjonali fi ħdan il-proċess ta’ identifikazzjoni ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni (“PCIs”): “… il-Kummissjoni għandha toħroġ Linji Gwida dwar il-kriterji li għandhom jiġu applikati mill-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass meta jkunu qed jiżviluppaw il-pjanijiet deċennali għall-iżvilupp tan-netwerk rispettivi tagħhom imsemmijin fil-punti (3) u (4) ta’ hawn fuq, sabiex tiżgura t-trattament ugwali u t-trasparenza tal-proċess.” Id-dispożizzjonijiet dwar il-proċessi tat-TYNDP stabbiliti skont il-Linji gwida se jkunu applikabbli għal kull proġett ikkunsidrat għall-inklużjoni fit-TYNDP rispettiv, irrispettivament mill-pjanijiet tal-promotur biex dan jitressaq, jew le, bħala kandidat fi ħdan il-proċess ta’ selezzjoni li jmiss tal-PCIs.

Dawn il-linji gwida mhumiex legalment vinkolanti. Il-metodi, l-għodod u l-iskedi ta’ żmien futuri li jkunu se jintużaw mill-ENTSO-E u mill-ENTSOG fil-proċessi ta’ tfassil tat-TYNDPs tagħhom għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 (2) u (KE) Nru 715/2009 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tat-TEN-E u l-Linji gwida.

1.2.   Destinatarji

Il-Linji gwida huma indirizzati lill-ENTSO għall-elettriku u għall-ENTSO għall-gass. Il-kriterji applikati mill-ENTSOs skont dan id-dokument se jolqtu lil dawn li ġejjin:

il-promoturi ta’ proġetti kollha li qegħdin jippjanaw li jiżviluppaw proġett ta’ infrastruttura tat-trażmissjoni tal-elettriku li jinsab għalkollox jew parzjalment f’tal-anqas pajjiż wieħed irrappreżentat fi ħdan l-ENTSO-E u li jitqies ta’ rilevanza Ewropea (4), kif ukoll il-promoturi tal-ħżin li qegħdin jippjanaw li jiżviluppaw proġetti ta’ ħżin tal-elettriku fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li jirrispettaw il-limitazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness II tar-Regolament tat-TEN-E, jew kwalunkwe apparat jew istallazzjoni essenzjali biex is-sistema taħdem b’mod sikur, sigur u effiċjenti.

il-promoturi ta’ proġetti kollha li qegħdin jippjanaw li jiżviluppaw proġett ta’ infrastruttura tat-trażmissjoni tal-gass ta’ rilevanza Ewropea: pipeline tat-trażmissjoni tal-gass, faċilitajiet ta’ ħżin taħt l-art, faċilitajiet ta’ riċeviment u ħżin u ta’ rigassifikazzjoni jew dekompressjoni għall-gass naturali likwifikat (LNG) jew għall-gass naturali kkompressat (CNG), jew kwalunkwe apparat jew istallazzjoni essenzjali biex is-sistema taħdem b’sikurezza, sigurtà u effiċjenza, jew biex tippermetti kapaċità bidirezzjonali.

2.   IL-PJANIJIET TA’ GĦAXAR SNIN GĦALL-IŻVILUPP TAN-NETWERK (TYNDPS)

2.1.   Rekwiżiti legali

It-TYNDP għall-elettriku u t-TYNDP għall-gass jitħejjew, rispettivament, mill-ENTSO-E u mill-ENTSOG, skont l-Artikoli 8 rispettivi tar-Regolamenti (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009. It-TYNDPs mhux vinkolanti li jkopru l-Unjoni kollha jiġu adottati u pubblikati kull sentejn, u jinkludu l-immudellar tan-netwerk integrat, l-iżvilupp tax-xenarji, prospettiva tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni Ewropea jew prospettiva tal-adegwatezza tal-provvista Ewropea, skont il-każ, kif ukoll valutazzjoni tar-reżiljenza tas-sistema.

It-TYNDPs jibnu fuq pjanijiet nazzjonali ta’ investiment, filwaqt li jqisu pjanijiet reġjonali ta’ investiment kif ukoll, jekk xieraq, aspetti tal-ippjanar tan-netwerks li jolqtu lill-Unjoni, u huma soġġetti għal analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji, bl-użu tal-metodoloġija stabbilita, skont ir-Regolament tat-TEN-E. Rigward l-interkonnessjonijiet transfruntiera, it-TYNDPs jibnu wkoll fuq il-ħtiġijiet raġonevoli ta’ utenti differenti tas-sistema, u jintegraw impenji fit-tul mill-investituri filwaqt li jidentifikaw lakuni fl-investiment, speċifikament b’rabta mal-kapaċitajiet transfruntiera.

Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolamenti (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 u l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“l-Aġenzija”) tipprovdi opinjonijiet motivati kif xieraq fuq l-abbozzi tat-TYNDPs, kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-ENTSOs, fejn tqis li l-abbozz ta’ TYNDP rispettiv ma jikkontribwix lejn in-nondiskriminazzjoni, il-kompetizzjoni effettiva, il-funzjonament effiċjenti u sigur tas-swieq interni, jew livell suffiċjenti ta’ interkonnessjoni transfruntiera miftuħa għall-aċċess minn parti terza.

L-ENTSOs huma legalment marbutin (6) li jwettqu proċessi ta’ konsultazzjoni wiesgħa matul it-tħejjija tat-TYNDPs. Dawn il-proċessi għandhom jitwettqu fi stadju bikri, b’mod miftuħ u trasparenti, bl-involviment tal-parteċipanti fis-suq kollha rilevanti, awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet nazzjonali oħra, u intrapriżi tal-provvista, tal-ġenerazzjoni jew tal-produzzjoni. Għandhom jidentifikaw il-fehmiet u l-proposti tal-partijiet kollha rilevanti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Id-dokumenti u l-minuti kollha tal-laqgħat marbutin mal-konsultazzjonijiet għandhom isiru pubblikament aċċessibbli.

Ir-Regolament tat-TEN-E, li skontu huwa stabbilit il-proċess ta’ identifikazzjoni tal-PCIs, jirrikjedi l-inklużjoni ta’ proġetti kandidati tal-elettriku u tal-gass fit-TYNDP bħala prekundizzjoni, bil-għan li jiġu inklużi fil-listi tal-PCIs tal-Unjoni kollha (7).

Fl-aħħar nett, l-ENTSOG huwa legalment marbut li jiżgura li jkun hemm konsistenza u allinjament bejn il-prospettivi fit-tul tal-monitoraġġ tal-kwalità tal-gass ippubblikati kull sentejn u t-TYNDP għall-gass li jitħejja fl-istess ħin. Il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati użat għat-TYNDP jeħtieġ li jitwessa’ biex jinkludi bħala element il-kwalità tal-gass.

2.2.   Prinċipji li għandhom jirrispettaw l-ENTSOs fil-proċess tat-TYNDP

Sabiex jiżguraw it-trattament indaqs u t-trasparenza tal-proċessi tat-TYNDPs, u bil-monitoraġġ tal-Aġenzija kif stipulat fl-Artikolu 9 tar-Regolamenti (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009, jenħtieġ li l-ENTSO-E u l-ENTSOG:

jorganizzaw, għat-TYNDPs tagħhom tal-elettriku u tal-gass, proċessi mhux diskriminatorji biex jidentifikaw u jinkludu l-proġetti Ewropej kollha rilevanti ta’ infrastruttura tal-elettriku u dawk ta’ infrastruttura tal-gass, rispettivament, irrispettivament mill-istatus tal-promoturi tagħhom (membri tal-ENTSO jew mhux).

jirreklamaw il-proċessi tat-TYNDP, jikkonsultaw il-partijiet ikkonċernati fi stadji kritiċi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll dwar l-abbozzi tat-TYNDPs, u jagħmlu possibbli l-impenn tagħhom fil-proċess. Jekk jinqala’ l-bżonn u fuq talba mill-ENTSOs, l-assoċjazzjonijiet ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti jistgħu jiġu involuti fuq bażi ad hoc, bi rwol ta’ konsulenza fil-proċessi. L-assoċjazzjonijiet ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti jistgħu jiġu informati wkoll b’mod regolari dwar il-proċessi ta’ TYNDP li jkunu għaddejjin;

jiżguraw it-trasparenza fid-data li tidħol u toħroġ mill-proċessi tat-TYNDP, skont il-metodoloġija tal-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji, sabiex kwalunkwe parti kkonċernata, pereżempju, tkun tista’ tifhem il-valutazzjoni mwettqa mill-ENTSOs.

jiżguraw, mill-applikazzjoni tal-proġett sal-finalizzazzjoni tat-TYNDP, aċċess ġust u mhux diskriminatorju tal-promoturi tal-proġetti għal informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-proġetti tagħhom, imwettqa skont il-metodoloġija tal-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji.

Sabiex jiżguraw il-konsistenza bejn it-TYNDPs u l-proċess ta’ selezzjoni tal-PCIs, l-ENTSOs għandhom jikkonsultaw u jinfurmaw regolarment lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija dwar il-proċessi tat-TYNDPs, speċjalment dwar l-inklużjoni u l-valutazzjoni tal-proġett. Dan għandu jippermetti lill-ENTSOs jilqgħu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija bi żmien biżżejjed għat-TYNDPs aħħarija rispettiva.

3.   TRESSIQ TA’ PROĠETTI GĦALL-INKLUŻJONI FIT-TYNDP

It-TYNDPs għall-elettriku u għall-gass għandhom jinkorporaw il-proġetti kollha rilevanti tal-infrastruttura tal-elettriku u tal-gass Ewropej kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 347/2013.

Sabiex jiġu żgurati (1) proċess ġust u mhux diskriminatorju għall-inklużjoni tal-proġetti fit-TYNDPs, (2) it-trasparenza tal-proċess, u (3) il-konsistenza ġenerali tal-approċċi, jenħtieġ li l-ENTSO-E u l-ENTSOG jiġbru u jivvalidaw l-applikazzjonijiet ta’ proġetti kollha f’waqthom, inkluż:

perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet ta’ tul ta’ żmien xieraq biex jippermetti lill-promoturi tal-proġetti jressqu l-proġetti u l-informazzjoni meħtieġa li tkopri wkoll id-dettalji prattiċi kollha rilevanti għall-inklużjoni fit-TYNDP; id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għandhom ikunu rriklamati fuq is-siti web tal-ENTSOs; l-istess skadenzi għandhom japplikaw għall-promoturi tal-proġetti kollha matul il-proċess. Il-promoturi tal-proġetti kollha jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-istess informazzjoni matul il-proċess, u jekk ċertu promotur jitlob kjarifiki jew informazzjoni addizzjonali marbuta mal-proċess ġenerali, jenħtieġ li l-ENTSOs jikkomunikaw lill-promoturi tal-proġetti kollha l-oħra l-kjarifiki jew informazzjoni addizzjonali li jistgħu jkunu rilevanti għalihom.

perjodu ta’ verifika li għandu jagħti żmien biżżejjed biex jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet kollha fihom data affidabbli li tqis proġetti ta’ infrastruttura paragunabbli (eż. l-istadju tal-iżvilupp u d-data tal-ikkummissjonar), u biex jiġi żgurat li jkun hemm fehim reċiproku dwar id-data tal-proġett bejn l-ENTSO-E jew l-ENTSOG u kull promotur ta’ proġett;

il-pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-ENTSO rispettiv tal-lista tal-proġetti meqjusa għall-inklużjoni fit-TYNDP jenħtieġ li ssir fi żmien raġonevoli sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u d-disponibbiltà minn kmieni tal-informazzjoni bażika li tidentifika l-proġetti;

konsultazzjoni pubblika ta’ tul ta’ żmien xieraq biex jippermetti lil kull min jista’ jkollu interess jibgħat kummenti fuq kull abbozz ta’ TYNDP.

4.   DOKUMENTI TA’ IMPLIMENTAZZJONI PRATTIKA TAL-ENTSOS

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Linji gwida u jkun hemm konformità mal-prinċipji elenkati hawn fuq, l-ENTSO-E u l-ENTSOG għandhom ifasslu dokumenti speċifiċi ta’ implimentazzjoni prattika, bil-għan li jipprovdu lill-promoturi tal-proġetti b’linji gwida dwar il-passi proċedurali u l-informazzjoni meħtieġa li għandha titressaq għall-inklużjoni tal-proġett tagħhom fit-TYNDP rispettiv.

Jenħtieġ li dawn id-dokumenti jiġu żviluppati u adottat mill-ENTSO rispettiv wara li dan jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u jqis kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija.

Fil-proċessi tat-TYNDP sussegwenti, ir-reviżjoni u l-aġġornamenti tad-dokumenti ta’ implimentazzjoni prattika jista’ jibdihom l-ENTSO rispettiv wara li dan jikkonsulta mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija, jew fuq talba tal-Kummissjoni.

Billi l-inklużjoni ta’ applikazzjonijiet ta’ proġetti inadegwati kieku tolqot l-immudellar tan-netwerks tal-elettriku u tal-gass, b’mod li potenzjalment tipperikola l-adozzjoni f’waqtha tat-TYNDPs u l-għan ta’ trasparenza rigward l-iżvilupp tan-netwerks tal-elettriku u tal-gass fl-Unjoni, kif previst mill-premessa 9 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u mill-premessa 18 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, jenħtieġ li l-ENTSO-E u l-ENTSOG jiddefinixxu, fid-dokumenti ta’ implimentazzjoni prattika tagħhom, kriterji għall-inklużjoni jew għal-esklużjoni ta’ proġetti mressqa. Il-proġetti kollha li jkunu se jiġu aċċettati għall-inklużjoni fit-TYNDP jenħtieġ li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti amministrattivi u tekniċi kif deskritti fid-dokumenti ta’ implimentazzjoni prattika tal-ENTSO rispettiv.

Jenħtieġ li d-dokumenti ta’ implimentazzjoni prattika jispjegaw fil-qasir il-proċessi tat-TYNDP, inkluż l-iskadenzi applikabbli għal kull pass tat-TYNDP u r-rabta tagħhom mal-proċess ta’ selezzjoni tal-PCIs, u jenħtieġ li jelenkaw il-kriterji amministrattivi u tekniċi li għandhom jiġu ssodisfati sabiex jippermettu li proġett isir parti mit-TYNDP rispettiv. Dawn il-kriterji jistgħu jinġabru f’kategoriji differenti, u jiġu applikati kif xieraq, skont it-tip ta’ promotur ta’ proġetti, it-tip ta’ infrastruttura li l-proġett rispettiv ikun se jimplimenta, kif ukoll l-istatus ta’ progress tal-proġett, filwaqt li jiġu żgurati t-trasparenza tal-proċess u t-trattament ugwali għall-promoturi tal-proġetti kollha kkonċernati. Il-promoturi tal-proġetti diġà inklużi fit-TYNDPs ta’ qabel għandhom jerġgħu jressqu applikazjoni uffiċjali għall-inklużjoni fit-TYNDP li jkun qiegħed jitħejja. Madankollu, l-inklużjoni ta’ proġett partikulari fit-TYNDPs ta’ qabel tista’ tippermetti proċess simplifikat ta’ applikazzjoni għat-TYNDPs attwali, u dan il-proċess għandu jiġi deskritt fid-dokumenti ta’ implimentazzjoni prattika tal-ENTSOs.

Id-deċiżjoni aħħarija dwar l-inklużjoni ta’ proġett fil-Lista ta’ Proġetti tat-TYNDP hija f’idejn l-ENTSO kompetenti, u kull deċiżjoni marbuta maċ-ċaħda tal-inklużjoni ta’ proġett fit-TYNDP għandha tkun spjegata kif xieraq.

4.1.   Kriterji amministrattivi u tekniċi dwar il-promoturi tal-proġetti u l-proġetti meqjusa għall-inklużjoni fit-TYNDP

Jenħtieġ li l-kriterji amministrattivi u tekniċi jiġu żviluppati filwaqt li jitqiesu l-aspetti li ġejjin:

Il-promoturi tal-proġetti li qegħdin jippjanaw li jiżviluppaw proġett ta’ infrastruttura u li dan jiġi inkluż fit-TYNDP rispettiv jenħtieġ li jagħtu evidenza tal-kredibbiltà tagħhom f’termini ta’ kapaċità finanzjarja u għarfien espert tekniku biex jimplimentaw il-proġett rispettiv huma stess jew permezz ta’ sottokuntratturi. Irrispettivament mill-kategoriji differenti li taħthom jaqgħu l-proġetti ta’ infrastruttura tal-enerġija, il-proċessi ta’ inklużjoni fit-TYNDP jenħtieġ li jibnu fuq kriterji amministrattivi li jiżguraw trattament ġust u mhux diskriminatorju ta’ kwalunkwe promotur tal-proġetti, filwaqt li jiżguraw ukoll l-evidenza tas-solidità tal-proġetti meqjusa.

Skont l-istatus ta’ progress tal-proġett, il-promoturi tal-proġetti jenħtieġ li jagħtu evidenza tas-solidità tal-proġett meqjus għall-inklużjoni fit-TYNDP rispettiv, u jenħtieġ li jagħtu evidenza li tippermetti l-valutazzjoni tar-rilevanza Ewropea tal-proġett mill-ENTSOs. Irrispettivament mill-kategoriji differenti li taħthom jaqgħu l-proġetti ta’ infrastruttura tal-enerġija, il-proġetti meqjusa għall-inklużjoni fit-TYNDPs jenħtieġ li jissodisfaw ċerti kriterji tekniċi minimi, li għandhom jiġu ddettaljati fid-dokument ta’ implimentazzjoni prattika tal-ENTSO rispettiv. Dawn ir-rekwiżiti tekniċi u l-limiti minimi korrispondenti – jekk applikabbli – jenħtieġ li jkunu maħsubin biex jiżguraw li l-proġetti jkollhom rilevanza Ewropea mil-lat kummerċjali jew ta’ sigurtà tal-provvista.

F’termini tal-għoti ta’ evidenza tas-solidità tal-proġetti meqjusa għall-inklużjoni fit-TYNDP, il-promoturi tal-proġetti jenħtieġ li jkunu marbutin li jagħtu evidenza rigward l-azzjonijiet li diġà jkunu ħadu biex jibdew l-implimentazzjoni tal-proġett rispettiv (eż. l-istatus ta’ PCI jew l-inklużjoni fl-aħħar Pjan Nazzjonali ta’ Żvilupp disponibbli, jew ftehimiet iffirmati bejn il-ministeri jew ir-regolaturi tal-pajjiżi milquta, jew ir-riżultati ta’ studji ta’ vijabbiltà jew previjabbiltà, eċċ.). Meta l-ENTSOs jitolbu lill-promoturi tal-proġetti jagħtu evidenza tal-kapaċità finanzjarja tagħhom u tal-għarfien espert tekniku tagħhom biex jimplimentaw proġett, jew evidenza tas-solidità tal-proġett rispettiv, jenħtieġ li l-ENTSOs jiżguraw li r-rekwiżiti ma jkunux sproporzjonati għall-kategoriji differenti tal-promoturi tal-proġetti. Jekk l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti differenti tkun iġġustifikata, jenħtieġ li l-ENTSOs jiżguraw li jintalab livell simili jew korrispondenti ta’ dettall u ta’ evidenza mingħand il-promoturi tal-proġetti.

4.2.   It-trattament tad-data

4.2.1.   L-użu tad-data u l-aċċess pubbliku għad-data

Id-dokumenti amministrattivi pprovduti mill-promoturi tal-proġetti matul il-fażi ta’ tressiq tal-applikazzjonijiet, u r-riferimenti għall-istatus legali, il-kapaċità finanzjarja u l-għarfien espert tekniku tagħhom (kif imsemmija fit-taqsima 4.1) jenħtieġ li jintużaw mill-ENTSOs biss sabiex jiżguraw il-konformità mal-kriterji amministrattivi ddefiniti fid-dokumenti ta’ implimentazzjoni prattika tagħhom, u jenħtieġ li jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali mill-ENTSOs, bi qbil mar-regoli interni tagħhom, sakemm ma jkunux diġà pubbliċi.

L-input tekniku pprovdut mill-promoturi tal-proġetti u l-benefiċċji vvalutati tal-proġetti evalwati skont il-metodoloġija tal-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji jenħtieġ li jiġi ppubblikat mill-ENTSOs bħala parti mill-proċessi tat-TYNDP.

Id-data dwar il-kostijiet imressqa mill-promoturi tal-proġetti biex dawn jiġu inklużi fit-TYNDPs għandha tiġi ppubblikata mill-ENTSOs. Jistgħu japplikaw derogi jekk id-data tiġi ddikjarata kunfidenzjali mill-promoturi tal-proġetti rispettivi. Fejn applikabbli, dawk għandhom ikunu ddettaljati fid-dokumenti ta’ implimentazzjoni prattika tal-ENTSOs.

Madankollu, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ selezzjoni tal-PCIs, il-Gruppi Reġjonali stabbiliti skont ir-Regolament tat-TEN-E jenħtieġ li jkollhom aċċess għad-data kollha dwar il-kostijiet imressqa mill-promoturi tal-proġetti fi ħdan il-proċessi tat-TYNDP.

Riżultati aggregati jew ġenerali tal-valutazzjoni jistgħu jiġu ppubblikati mill-ENTSO-E u mill-ENTSOG, jew jistgħu jintużaw f’avvenimenti pubbliċi, skont id-dokumenti ta’ implimentazzjoni prattika u r-regoli interni tagħhom.

4.2.2.   Korrezzjonijiet tad-data mdaħħla

F’każ li l-informazzjoni u d-data teknika mressqin għal proġett ikunu skorretti skont il-Linji gwida u d-dokumenti ta’ implimentazzjoni prattika tal-ENTSOs, il-promotur tal-proġetti jenħtieġ li jingħata l-opportunità li jirrapporta l-informazzjoni kkoreġuta lill-ENTSO rispettiv fil-perjodu ta’ verifika tal-konsistenza, sal-iskadenza stipulata fid-dokumenti ta’ implimentazzjoni prattika tal-ENTSOs, u sa mhux aktar tard minn tmiem il-konsultazzjoni pubblika tat-TYNDP.

Dan il-perjodu jenħtieġ li jipprevedi skeda ta’ żmien stabbilit biċ-ċar minn qabel, li għandha tiżgura żmien biżżejjed għat-tressiq xieraq tal-informazzjoni kkoreġuta, kif ukoll għal kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni jew kjarifiki meħtieġa bejn l-ENTSO kompetenti u l-promotur tal-proġetti rispettiv.

Jekk ikun hemm xi inkonsistenzi fil-korrezzjonijiet tal-informazzjoni, l-ENTSO-E u l-ENTSOG, rispettivament, jenħtieġ li jiddiskutu u jikkonkludu mal-promoturi tal-proġetti, skont il-każ, dwar l-inklużjoni tal-proġett rispettiv fil-Lista ta’ Proġetti tat-TYNDP. Id-deċiżjonijiet kollha tal-ENTSO-E u tal-ENTSOG dwar korrezzjonijiet fl-informazzjoni ta’ proġett jenħtieġ li jkunu motivati, tal-anqas bir-raġuni għall-aċċettazzjoni jew ċaħda tal-bidliet mitluba, u jenħtieġ li jinqasmu mal-promoturi tal-proġetti kkonċernati, mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija. Jekk l-inkonsistenzi kapaċi jolqtu l-inklużjoni possibbli ta’ proġett fit-TYNDP, l-ENTSOs jistgħu jikkonsultaw mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija dwar il-każ qabel ma jieħdu d-deċiżjoni tagħhom.

Peress li l-proġetti jevolvu l-ħin kollu bejn it-tressiq għall-inklużjoni fit-TYNDP u l-pubblikazzjoni tat-TYNDP, għall-finijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li t-TYNDPs jiddefinixxu d-data tal-validità tad-data tal-proġett tat-TYNDP.

L-iskadenzi raġonevoli stabbiliti fir-rigward tal-fażi ta’ korrezzjoni tad-data mdaħħla ma għandhomx ifixklu l-iskeda ta’ żmien tal-proċess ġenerali tat-TYNDP, u jenħtieġ li jkunu stabbiliti b’ċarezza fid-dokumenti ta’ implimentazzjoni prattika tal-ENTSOs.

4.2.3.   Aċċess tal-promoturi għar-riżultati tal-valutazzjoni u għad-data tat-TYNDP

Fejn rilevanti, u skont il-metodoloġija tal-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji, jenħtieġ li l-ENTSOs jibagħtu lill-promoturi tal-proġetti, qabel il-konsultazzjonijiet dwar l-abbozzi tat-TYNDPs, ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-proġett tagħhom. Jekk mitlub, jenħtieġ li l-promoturi tal-proġetti jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw f’laqgħa bilaterali ma’ rappreżentanti tal-ENTSO rispettiv, sabiex il-promotur ikun jista’ jifhem aħjar ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-proġett tagħhom.

Lil hinn mir-riżultati ppubblikati fir-rapport tat-TYNDP, kull promotur tal-proġetti għandu dritt għall-aċċess għal informazzjoni aktar iddettaljata dwar il-proġett tiegħu, sa fejn din tkun disponibbli għall-ENTSO-E u għall-ENTSOG fil-qafas tal-proċess ta’ valutazzjoni.

Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ trattament indaqs, jekk mitlub, jenħtieġ li l-ENTSO kompetenti jagħmel disponibbli, mill-iktar teknikament fis possibbli u qabel l-adozzjoni tat-TYNDP, id-data mdaħħla u maħruġa, jekk din tkun mitluba mill-promotur tal-proġetti, sabiex jispjega l-valutazzjoni fid-dettall (inkluż il-preżunzjonijiet dwar is-suq u l-immudellar tan-netwerk).

4.2.4.   Id-dritt tal-promoturi li jitolbu reviżjoni tal-valutazzjoni tal-proġett

F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-ENTSO kompetenti dwar il-valutazzjoni mwettqa bi qbil mal-metodoloġija tal-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji, jenħtieġ li l-promotur tal-proġetti jkollu d-dritt li jitlob reviżjoni tal-valutazzjoni tal-proġett tagħhom. Jenħtieġ li tali talba tkun irraġunata u sostanzjata kif xieraq mill-promotur.

F’din il-fażi ta’ reviżjoni, jenħtieġ li l-ENTSOs jikkonsultaw mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija, u jekk jitqies meħtieġ, jistgħu jikkonsultaw ukoll, b’mod ad hoc, lill-partijiet ikkonċernati rilevanti meta jiġu biex iqisu l-ġustifikazzjonijiet tal-promoturi tal-proġett. Meta jieħu d-deċiżjoni aħħarija tiegħu, jenħtieġ li l-ENTSO kompetenti jqis kif xieraq il-fehmiet espressi.

Ma għandhomx ikunu soġġetti għal diskussjoni f’din il-fażi ta’ reviżjoni l-elementi li ġejjin (u jitqies li tkun diġà saret konsultazzjoni dwarhom mal-partijiet ikkonċernati aktar kmieni fil-proċess, u li jkunu ġew maqbula u ffinalizzati): preżunzjonijiet ta’ xenarji, data, metodoloġiji ta’ analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji, u data tal-proġett imressqa bħala parti mill-proċess.


(1)  ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.

(2)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(3)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(4)  Kif stipulat skont ir-Regolamenti (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009: “Netwerks vijabbli ta’ trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass u interkonnessjonijiet reġjonali meħtieġa, li jkunu relevanti mil-lat kummerċjali u ta’ sigurtà, għandhom ikunu inklużi fil-pjanijiet għall-iżvilupp tan-netwerks.”

(5)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.

(6)  L-Artikolu 10 tar-Regolamenti (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009.

(7)  Il-premessa 21 u l-Anness III 2(3) u 2(4) tar-Regolament tat-TEN-E.


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

27.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 265/8


AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

li jikkonċerna lista ta’ sustanzi attivi potenzjalment b’riskju baxx approvati għall-użu fil-protezzjoni tal-pjanti

(2018/C 265/02)

1.   INTRODUZZJONI

Kif jidher fil-Premessa 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), (minn hawn ’il quddiem) jenħtieġ li is-sustanzi b’riskju baxx jiġu identifikati u li jiġi ffaċilitat it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi. Barra minn hekk, f’konformità mal-għanijiet tad-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar użu sostenibbli tal-pestiċidi, jenħtieġ li jiġi promoss l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom l-anqas effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u fuq l-ambjent.

Is-sustanzi attivi li jissodisfaw il-kriterji għall-approvazzjoni stabiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament u l-kriterji b’riskju baxx stabbiliti fl-Artikolu 22 huma approvati bħala sustanzi b’riskju baxx. Dawn huma inklużi fil-Parti D tal-lista ta’ sustanzi attivi approvati fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3). Informazzjoni dwar sustanzi b’riskju baxx hija disponibbli fil-bażi tad-data dwar il-pestiċidi Ewropea fuq: http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.selection&language=EN.

Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi b’riskju baxx li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tar-Regolament għandhom jiġu awtorizzati mill-Istati Membri bħala prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b’riskju baxx.

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (4), li ġiet sostitwita mir-Regolament, ma kinitx tipprevedi l-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi bħala sustanzi b’riskju baxx. Madankollu, diversi sustanzi li qabel kienu approvati b’din id-Direttiva, b’mod partikolari dawk is-sustanzi li kienu suġġetti għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2229/2004 (5) dwar ir-raba’ stadju tal-programm ta’ reviżjoni, potenzjalment jistgħu jiġu identifikati bħala sustanzi b’riskju baxx.

Dan l-Avviż huwa maħsub biex jgħin lill-Istati Membri jiksbu l-għanijiet tad-Direttiva 2009/128/KE u b’mod partikolari l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 u 14 ta’ din id-Direttiva, kif ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara. Għal dan il-għan huwa jipprevedi lista ta’ sustanzi attivi approvati skont id-Direttiva 91/414/KEE li huma mistennija li jissodisfaw il-kriterji ta’ riskju baxx tal-Artikolu 22 tar-Regolament.

Il-lista hija stabbilita għall-finijiet ta’ informazzjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fid-dossiers u fir-rapporti ta’ valutazzjoni li jirfdu l-approvazzjoni tas-sustanzi skont id-Direttiva 91/414/KEE. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, is-sustanzi attivi approvati skont din id-Direttiva ġew eżaminati għall-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tal-Artikolu 22 u speċifikament mal-kriterji tal-Anness II, il-punt 5 tar-Regolament (“kriterji ta’ riskju baxx”). L-iskrinjar twettaq mill-Kummissjoni bl-għajnuna tal-Grupp ta’ Ħidma dwar is-sustanzi u l-prodotti b’riskju baxx.

Il-lista hija mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe evalwazzjoni li jmiss imwettqa skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għall-iskop tat-tiġdid, tal-emenda jew tar-reviżjoni tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva. L-inklużjoni fil-lista ma tagħtix b’mod formali status ta’ riskju baxx lil sustanza attiva u ma twassalx għall-elenkar tagħha fost is-sustanzi attivi b’riskju baxx fil-Parti D tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 li jistgħu jsegwu biss wara evalwazzjoni sħiħa u deċiżjoni skont ir-Regolament.

Għalhekk, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi fil-lista ma jistgħux jiġu awtorizzati bħala prodotti b’riskju baxx u d-dispożizzjonijiet legali speċifiċi għal prodotti b’riskju baxx ma japplikawx għalihom. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-lista kif meqjus xieraq biex jinfurmaw lill-utenti u lill-partijiet interessati oħra, u biex jippromwovu b’mod aktar effettiv l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b’sustanzi b’riskju iktar baxx biex jikkontribwixxu għall-għanijiet tad-Direttiva 2009/128/KE.

Dan l-Avviż huwa maħsub biex jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE. Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li għandha l-kompetenza biex tinterpreta b’mod awtorevoli l-liġijiet tal-Unjoni.

2.   LISTA TA’ SUSTANZI ATTIVI LI HUMA MISTENNIJA LI JISSODISFAW IR-REKWIŻITI TAL-ARTIKOLU 22 TAR-REGOLAMENT

2.1.   Mikroorganiżmi

Isem is-sustanza

Kategorija tal-Pestiċida

Adoxophyes orana GV tar-razza BV-0001

Insettiċida

Ampelomyces quisqualis tar-razza AQ10

Fungiċida

Bacillus amyloliquefaciens subspeċi plantarum D747

Fungiċida

Bacillus firmus I-1582

Nematiċida

Bacillus pumilus QST 2808

Fungiċida

Bacillus subtilis tar-razza QST 713

Batteriċida, funġiċida

Bacillus thuringiensis subspeċi Aizawai tar-razza ABTS-1857 u GC-91

Insettiċida

Bacillus thuringiensis subspeċi Israeliensis (serotip H-14) tar-razza AM65-52

Insettiċida

Bacillus thuringiensis subspeċi Kurstaki tar-razzez ABTS 351, PB 54, SA 11, SA12 u EG 2348

Insettiċida

Beauveria bassiana tar-razez ATCC 74040 u GHA

Insettiċida

Candida oleophila tar-razza O

Fungiċida

Cydia pomonella Granulovirus (CpGV)

Insettiċida

Gliocladium catenulatum tar-razza J1446

Fungiċida

Helicoverpa armigera nucleopolyhedrovirus (HearNPV)

Insettiċida

Lecanicillium muscarium (li qabel kien Verticillium lecanii) tar-razza Ve6

Insettiċida

Metarhizium anisopliae var. anisopliae tar-razza BIPESCO 5/F52

Insettiċida

Phlebiopsis gigantea (diversi razez)

Fungiċida

Pythium oligandrum M1

Fungiċida

Il-virus tal-poliedrożi nukleari Spodoptera exigua

Insettiċida

Spodoptera littoralis nucleopolyhedrovirus

Insettiċida

Streptomyces K61 (li qabel kien S. griseoviridis)

Fungiċida

Trichoderma asperellum (li qabel kien T. harzianum) tar-razez ICC012, T25 u TV1

Fungiċida

Trichoderma asperellum (tar-razza T34)

Fungiċida

Trichoderma atroviride (li qabel kien T. harzianum) tar-razez IMI 206040 u T11

Fungiċida

Trichoderma atroviride tar-razza I-1237

Fungiċida

Trichoderma gamsii (li qabel kien T. viride) tar-razza ICC080

Fungiċida

Trichoderma harzianum tar-razez T-22 u PARTITA 908

Fungiċida

Trichoderma polysporum tar-razza IMI 206039

Fungiċida

Verticillium albo-atrum (li qabel kien Verticillium dahliae) tar-razza WCS850

Fungiċida

Vajrus tal-Możajk Isfar taz-Zukkini, tar-razza dgħajfa

Stimulant

2.2.   Sustanzi oħra

Isem is-sustanza

Kategorija tal-Pestiċida

Kumment

Sulfat tal-ammonju tal-aluminju

Repellent

 

Aċetat tal-ammonju

Sustanzi li jattiraw

 

Aċidu askorbiku

Fungiċida

 

Dqiq tad-demm

Repellent

 

Karbonat tal-kalċju

Repellent

 

Residwi mid-distillazzjoni tax-xaħam

Repellent

 

Aċidi grassi C7 sa C20

Insettiċida, akariċida, erbiċida, regolatur tat-tkabbir tal-pjanti

Dan ma jinkludix aċidi grassi liberi b’katina tal-karbonju ta’ tul iqsar minn C9 (jiġifieri aċidu enantiku, aċidu kapriliku).

FEN 560 (żerriegħa tal-fienu mitħuna)

Insettiċida

 

Estratt tat-tewm

Repellent

 

Aċidu gibberelliku

Regolatur tat-tkabbir tal-pjanti

 

Gibberellina

Regolatur tat-tkabbir tal-pjanti

 

Ettamaloksiloglukan

Stimulant

 

Proteini idrolizzati

Insettiċida

 

Franka

Repellent

 

Maltodestrina

Insettiċida

 

Residwu tal-estrazzjoni tat-trab tal-bżar (PDER)

Repellent

 

Żjut tal-pjanti/Żejt tal-kolza

Insettiċida, akariċida

 

Idroġenokarbonat tal-potassju

Fungiċida

 

Proeżadjon

Regolatur tat-tkabbir tal-pjanti

 

Ramel kwarzuż

Repellent

 

Repellenti permezz ta’ riħa ta’ oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żejt tal-ħuta

Repellent

 

Repellenti permezz ta’ riħa ta’ oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/xaħam tan-nagħaġ

Repellent

 

Estratt tal-alka tal-baħar (li qabel kien estratt tal-alka tal-baħar u algi)

Regolatur tat-tkabbir tal-pjanti

 

Silikat tas-sodju u tal-aluminju

Repellent

 

Feromoni tal-lepidotteri b’ Katina Dritta

Sustanzi li jattiraw

Applikati minn distributuri.

Kubrit

Funġiċida, akariċida, repellent

 

Urea

Insettiċida

 


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 304, 24.11.2009, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2229/2004 tat-3 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi aktar regoli fid-dettall għall-implimentazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13).


27.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 265/12


Bidu ta’ proċeduri

(Il-Każ M.8909 — KME/MKM)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 265/03)

Fit-23 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċeduri fil-każ ta’ hawn fuq wara li sabet li l-konċentrazzjoni nnotifika tqajjem dubji serji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Il-bidu tal-proċeduri jiftaħ it-tieni fażi ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni nnotifikata, u jsir mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali dwar il-każ. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Il-Kummissjoni tistieden lil partijiet terzi interessati sabiex jissottomettu lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet li jistgħu jkollhom dwar il-konċentrazzjoni proposta.

Sabiex l-osservazzjonijiet jiġu kkunsidrati bis-sħiħ fil-proċedura, dawn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni mhux iktar tard minn 15-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni. L-osservazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-fax (+32 22964301) jew b’imejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, bin-numru ta’ referenza Nru M.8909 — KME/MKM, fl-indirizz li ġej:

Kummissjoni Ewropea

Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

1049 Bruxelles/Brussell

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

27.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 265/13


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Is-26 ta’ Lulju 2018

(2018/C 265/04)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1716

JPY

Yen Ġappuniż

129,91

DKK

Krona Daniża

7,4517

GBP

Lira Sterlina

0,88860

SEK

Krona Żvediża

10,2738

CHF

Frank Żvizzeru

1,1616

ISK

Krona Iżlandiża

122,20

NOK

Krona Norveġiża

9,5455

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,647

HUF

Forint Ungeriż

324,43

PLN

Zloty Pollakk

4,2835

RON

Leu Rumen

4,6318

TRY

Lira Turka

5,6454

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5792

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5287

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,1949

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7186

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5943

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 311,82

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

15,4559

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,9464

HRK

Kuna Kroata

7,4025

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 935,48

MYR

Ringgit Malażjan

4,7600

PHP

Peso Filippin

62,559

RUB

Rouble Russu

73,8560

THB

Baht Tajlandiż

39,038

BRL

Real Brażiljan

4,3523

MXN

Peso Messikan

21,9020

INR

Rupi Indjan

80,4480


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

27.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 265/14


Informazzjoni li taw l-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

(2018/C 265/05)

Skont l-Artikolu 35(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), ittieħdet deċiżjoni li s-sajd jingħalaq kif stipulat fit-tabella ta’ hawn taħt:

Data u ħin tal-għeluq

22.6.2018

Tul taż-żmien

22.6.2018–31.12.2018

Stat Membru

Id-Danimarka

Stokk jew Grupp ta’ stokkijiet

SAN/234_2R

Speċi

Iċ-ċiċċirell u l-qabdiet inċidentali assoċjati (Ammodytes spp.)

Żona

Żona ta’ ġestjoni 2r taċ-ċiċċirella fl-ilmijiet tal-Unjoni

Tip(i) ta’ bastimenti tas-sajd

Numru ta’ referenza

12/TQ120


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.


27.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 265/15


Notifika min-Netherlands tal-applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 li tikkonċerna r-regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku għall-ajruport ta’ Schiphol u għall-ajruport ta’ Lelystad

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 265/06)

Skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (1), fit-12 ta’ Lulju 2018 il-Kummissjoni rċeviet notifika min-Netherlands dwar abbozz ta’ Digriet li jistabbilixxi r-regola Olandiża tad-distribuzzjoni tat-traffiku bejn l-ajruport ta’ Schiphol u l-ajruport ta’ Lelystad.

Meta jiġu adottati u jidħlu fis-seħħ, ir-regoli proposti se jqassmu t-traffiku bejn l-ajruport ta’ Schiphol u l-ajruport ta’ Lelystad abbażi ta’ dan li ġej:

Il-kapaċità tal-ajruport ta’ Lelystad se tkun riżervata għal titjiriet minn punt għal punt li ġew trasferiti volontarjament minn Schiphol;

il-ħinijiet disponibbli f’Schiphol minħabba t-trasferimenti tat-titjiriet minn punt għal punt, iridu jintużaw għal titjiriet ta’ konnessjoni.

Fi ftit kliem, it-titjiriet ta’ konnessjoni huma titjiriet lejn destinazzjonijiet li fl-ajruport ta’ Schiphol għandhom rata medja ta’ trasferiment ta’ mill-inqas 10 %. It-titjiriet minn punt għal punt huma titjiriet lejn destinazzjonijiet li fl-ajruport ta’ Schiphol għandhom rata medja ta’ trasferiment ta’ inqas minn 10 %.

Id-destinazzjonijiet li jissodisfaw dawn il-kriterji huma speċifikati fl-Annessi.

It-test kollu jinsab fil-link tas-sit web li ġej:

https://ec.europa.eu/transport/modes/air/consultations/2018-schiphol-lelystad-distribution-rules_mt

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom sas-7 ta’ Settembru 2018, fuq:

Directorate-General for Mobility and Transport (Unit E4 internal market and airports)

European Commission

Office: DM24 05/84

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

MOVE-AIR-SERVICES-REGULATION@ec.europa.eu


(1)  ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

27.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 265/16


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9045 — Blackstone/Averys)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 265/07)

1.   

Fl-20 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Blackstone Group L.P. (“Blackstone”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

Financière Efel SAS (“Averys”, Franza).

Blackstone takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll ta’ Averys kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   Blackstone: ġestjoni tal-assi u ta’ servizzi ta’ konsulenza finanzjarja,

—   Averys: manifattura ta’ racking personalizzat u soluzzjonijiet ta’ ħażna għall-imħażen, ma’ ditti bħal Stow, Storax, Feralco, Duwic u Acial.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż mill-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi dejjem speċifikata:

M.9045 — Blackstone/Averys

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz tal-posta:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


Rettifika

27.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 265/18


Rettifika tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)

Lista ta’ Stati Membri li jkunu ddeċidew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR għal titjiriet fl-UE kif hemm imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (passenger name record, PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja

(Jekk Stat Membru jiddeċiedi li japplika din id-Direttiva għal titjiriet fl-UE, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miktub. Stat Membru jista’ jagħti jew jirrevoka tali notifika fi kwalunkwe mument. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik in-notifika u kwalunkwe revoka tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea)

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 196 tat-8 ta’ Ġunju 2018 )

(2018/C 265/08)

F’paġna 29,

Qed jiżdied l-Istat Membru li ġej li jkun innotifika lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR f’titjiriet fl-UE:

il-Bulgarija