ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 66

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
21 ta' Frar 2018


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

 

IL-PARLAMENT EWROPEW
SESSJONI 2016–2017
Dati tas-seduti: 27 u 28 ta’ April 2016
Il-Minuti ta' din is-sessjoni ġew ippubblikati fil- ĠU C 190, 15.6.2017 .
It-testi adottati tat-28 ta' April 2016 rigward il-kwittanzi għall-baġit tal-2014 ġew ippubblikati fil- ĠU L 246, 14.9.2016 .
TESTI ADOTTATI

1


 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew

 

Il-Ħamis 28 ta’ April 2016

2018/C 66/01

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar is-salvagwardja tal-aħjar interessi tat-tfal madwar l-UE abbażi ta' petizzjonijiet indirizzati lill-Parlament Ewropew (2016/2575(RSP))

2

2018/C 66/02

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2014 (2015/2127(INI))

6

2018/C 66/03

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali (2016/2662(RSP))

17

2018/C 66/04

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (l-Artikolu 116(7) tar-Regoli ta' Proċedura) għas-snin 2014-2015 (2015/2287(INI))

23

2018/C 66/05

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-ħaddiema domestiċi nisa u n-nisa li jaħdmu fis-settur tal-kura fl-UE (2015/2094(INI))

30

2018/C 66/06

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali (2015/2007(INI))

44


 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Parlament Ewropew

 

Il-Ħamis 28 ta’ April 2016

2018/C 66/07

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Bolesław G. Piecha (2015/2339(IMM))

57


 

III   Atti preparatorji

 

IL-PARLAMENT EWROPEW

 

Il-Ħamis 28 ta’ April 2016

2018/C 66/08

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ta' Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u l-Ġeorġja min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkunsiderazzjoni l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-UE (12227/2014 – C8-0035/2015 – 2014/0134(NLE))

59

2018/C 66/09

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-Gvern tal-Istat tal-Iżrael min-naħa l-oħra, sabiex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (12265/2014 – C8-0102/2015 – 2014/0187(NLE))

60

2018/C 66/10

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar ir-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Konvenzjoni tat-18 ta' Diċembru 1997, magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq assistenza reċiproka u kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali (COM(2015)0556 – C8-0376/2015 – 2015/0261(NLE))

61

2018/C 66/11

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (10578/1/2015 – C8-0415/2015 – 2013/0014(COD))

62

2018/C 66/12

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (Tfassil mill-ġdid) (10579/1/2015 – C8-0416/2015 – 2013/0015(COD))

64

2018/C 66/13

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ferrovjarja (tfassil mill-ġdid) (10580/1/2015 – C8-0417/2015 – 2013/0016(COD))

66

2018/C 66/14

P8_TA(2016)0146
L-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji (COM(2013)0641 – C7-0301/2013 – 2013/0314(COD))
P8_TC1-COD(2013)0314
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-28 ta' April 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014

68


Tifsira tas-simboli użati

*

Proċedura ta' konsultazzjoni

***

Proċedura ta' approvazzjoni

***I

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari

***II

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari

***III

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tielet qari

(It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta' att)

Emendi tal-Parlament:

Il-partijiet tat-testi l-ġodda huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa . Il-partijiet tat-test imħassra huma indikati permezz tas-simbolu ▌ jew huma ingassati. Is-sostituzzjoni hija indikata billi t-test il-ġdid jiġi indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa u billi jitħassar jew jiġi ingassat it-test sostitwit.

MT

 


21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/1


IL-PARLAMENT EWROPEW

SESSJONI 2016–2017

Dati tas-seduti: 27 u 28 ta’ April 2016

Il-Minuti ta' din is-sessjoni ġew ippubblikati fil- ĠU C 190, 15.6.2017 .

It-testi adottati tat-28 ta' April 2016 rigward il-kwittanzi għall-baġit tal-2014 ġew ippubblikati fil- ĠU L 246, 14.9.2016 .

TESTI ADOTTATI

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew

Il-Ħamis 28 ta’ April 2016

21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/2


P8_TA(2016)0142

Is-salvagwardja tal-aħjar interessi tat-tfal madwar l-UE abbażi ta' petizzjonijiet indirizzati lill-Parlament Ewropew

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar is-salvagwardja tal-aħjar interessi tat-tfal madwar l-UE abbażi ta' petizzjonijiet indirizzati lill-Parlament Ewropew (2016/2575(RSP))

(2018/C 066/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3) tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 24 tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 20 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li jenfasizzaw l-obbligu tal-gvernijiet li jipproteġu l-identità tat-tfal, inklużi r-relazzjonijiet familjari tagħhom,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963, b'mod partikolari l-Artikolu 37(b) tagħha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja tad-29 ta' Mejju 1993 dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f'Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (1) (Brussell IIa),

wara li kkunsidra l-Aġenda tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (COM(2011)0060),

wara li kkunsidra l-linji gwida mfassla fid-dokument ta' riflessjoni għad-disa' Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

wara li kkunsidra l-immappjar tas-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal imwettaq mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali,

wara li kkunsidra l-għadd kbir ta' petizzjonijiet dwar il-prattiki tal-awtoritajiet tresponsabbli mill-benessri tat-tfal u dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, il-kustodja tat-tfal, il-ħtif tat-tfal u l-indukrar tat-tfal li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva matul is-snin minn diversi Stati Membri tal-UE, u r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapporti dwar żjarat għall-ġbir ta' informazzjoni fil-Ġermanja (23-24 ta' Novembru 2011)(Jugendamt), fid-Danimarka (20-21 ta' Ġunju 2013)(servizzi soċjali) u fir-Renju Unit (5-6 ta' Novembru 2015)(adozzjonijiet mhux konsenswali),

wara li kkunsidra r-rwol u l-attivitajiet tal-Medjatur tal-Parlament Ewropew għall-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal mill-Ġenituri,

wara li kkunsidra l-Artikolu 216(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu l-ewwel prijorità fid-deċiżjonijiet kollha relatati ma' kwistjonijiet marbuta mal-indukrar tat-tfal fil-livelli kollha;

B.

billi l-UE tista' tadotta miżuri li jikkonċernaw il-liġi tal-familja b'implikazzjonijiet transkonfinali (l-Artikolu 81(3) tat-TFUE), inkluż fil-qasam tal-adozzjoni;

C.

billi ż-żieda fil-mobilità ġewwa l-UE wasslet għal għadd dejjem ikbar ta' kwistjonijiet transkonfinali ta' protezzjoni tat-tfal li jinvolvu t-tneħħija tal-kustodja;

D.

billi l-kwistjonijiet relatati mal-kustodja tat-tfal għandhom impatt sinifikanti fuq ħajjet kull individwu involut u fuq is-soċjetà kollha kemm hi, u billi r-Regolament Brussell IIa mhuwiex mingħajr lakuni, u r-reviżjoni imminenti tiegħu hija opportunità tajba biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet tiegħu;

E.

billi l-eżerċizzju ta' dritt fundamentali bħal-libertà ta' moviment u ta' residenza m'għandux jinvolvi theddida ikbar għad-dritt tat-tfal għall-ħajja tal-familja;

F.

billi t-tfal li l-ġenituri tagħhom ikunu qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu għandhom id-dritt li jżommu, fuq bażi regolari, relazzjoni personali u kuntatt dirett mal-ġenituri tagħhom sakemm dan ma jmurx kontra l-interessi tat-tfal, b'konformità mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

1.

Ifakkar li l-għadd kbir ta' petizzjonijiet li waslu dwar każijiet li jikkonċernaw it-tfal jindika li hemm problema kbira bl-implimentazzjoni tar-Regolament Brussell IIa;

2.

Iqis li s-sistemi kollha ta' protezzjoni tat-tfal għandu jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi transnazzjonali u transkonfinali li jqisu l-ispeċifiċitajiet tal-kunflitti transkonfinali;

Il-protezzjoni tat-tfal u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-UE

3.

Jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni (bi statistika soċjoekonomika rilevanti u diżaggregata skont in-nazzjonalità) fi ħdan qafas ta' koordinazzjoni għall-każijiet transkonfinali li jinvolvu t-tfal; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkoordina t-trasferiment ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri;

4.

Jitlob lill-Kunsill jirrapporta dwar l-azzjonijiet speċifiċi li qed jiġu implimentati mill-Istati Membri bl-għan li jinħolqu sinerġiji bejn it-28 sistema nazzjonali ta' protezzjoni tat-tfal;

5.

Jitlob definizzjoni ċara ta' “residenza abitwali” fir-reviżjoni tar-Regolament Brussell IIa;

6.

Jenfasizza l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali, stabbilit fir-Regolament Brussell IIa, li jirrikonoxxu u jinfurzaw sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor f'każijiet li jikkonċernaw it-tfal; jitlob lill-Istati Membri jżidu u jtejbu l-kooperazzjoni tal-ġudikaturi tagħhom f'każijiet li jinvolvu t-tfal;

7.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkofinanzjaw u jippromwovu l-istabbiliment ta' pjattaforma li tipprovdi assistenza lil ċittadini ta' pajjiżi terzi fi proċedimenti familjari, u ta' linja telefonika Ewropea unika għall-għajnuna għal każijiet ta' ħtif jew abbuż tat-tfal, kif ukoll konsulenza dwar proċedimenti ta' indukrar u adozzjoni;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi gwida ċara u faċilment aċċessibbli b'informazzjoni prattika għaċ-ċittadini tal-UE rigward l-arranġamenti istituzzjonali dwar il-protezzjoni tat-tfal, b'attenzjoni partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-adozzjoni jew it-tqegħid tat-tfal mingħajr il-kunsens tal-ġenituri u mad-drittijiet tal-ġenituri fi Stati Membri differenti;

Ir-rwol tas-servizzi soċjali fil-protezzjoni tat-tfal

9.

Jitlob lill-Istati Membri jieħdu approċċ preventiv u jiżguraw politiki xierqa u b'riżorsi tajbin biex kemm jista' jkun jevitaw li jitnedew proċedimenti ta' indukrar, fejn dan ikun possibbli, bl-introduzzjoni ta' proċeduri ta' twissija bikrija u mekkaniżmi ta' sorveljanza, u jipprovdu appoġġ adegwat lill-familji, li jirrappreżentaw is-sors ewlieni tal-indukrar, partikolarment fi ħdan komunitajiet vulnerabbli fejn l-esklużjoni soċjali hija riskju;

10.

Jenfasizza li valutazzjoni tajba ta' każijiet individwali fi kwistjonijiet relatati mal-familja m'għandhiex tkun imxekkla bi tnaqqis baġitarju b'riżultat ta' miżuri ta' awsterità, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-kwalità tas-servizzi soċjali;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ speċjalizzat u edukazzjoni lill-ħaddiema soċjali u lill-professjonisti l-oħra kollha li jittrattaw każijiet transkonfinali li jinvolvu t-tfal;

12.

Jitlob lill-awtoritajiet rilevanti ta' Stat Membru li jkun biħsiebu jibgħat ħaddiema soċjali biex jinvestigaw każ għall-adozzjoni jew it-tqegħid tat-tfal fi Stat Membru ieħor biex jinformaw lill-awtoritajiet ta' dak l-Istat Membru li tkun se ssir tali investigazzjoni;

Proċedimenti ġudizzjarji relatati mal-indukrar tat-tfal

13.

Jistieden lill-Istati Membri jaħtru awli speċjalizzati fi ħdan il-qrati tal-familja jew korpi ta' medjazzjoni transkonfinali biex jittrattaw każijiet transkonfinali relatati mat-tfal; jenfasizza li l-monitoraġġ xieraq tas-sitwazzjoni ta' wara sentenza huwa ta' importanza fundamentali, inkluż fir-rigward tal-kuntatt mal-ġenituri;

14.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw sistematikament id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1963, u jiżguraw li l-ambaxxati jew ir-rappreżentanzi konsulari jkunu infurmati mill-bidu nett dwar il-proċedimenti kollha dwar l-indukrar tat-tfal li jinvolvu ċ-ċittadini tagħhom, u li jkollhom aċċess sħiħ għad-dokumenti rilevanti; jissuġġerixxi li l-awtoritajiet konsulari għandhom jitħallew jattendu kull stadju tal-proċedimenti;

15.

Jitlob lill-Istati Membri jiggarantixxu drittijiet għal żjarat regolari lill-ġenituri, ħlief meta dan jista' jkun ta' ħsara għall-aħjar interessi tat-tfal, u jħallu lill-ġenituri jużaw l-ilsien matern tagħhom ma' wliedhom matul iż-żjarat;

16.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu lill-ġenituri, mill-bidu nett u f'kull stadju tal-proċedimenti relatati mat-tfal, b'informazzjoni ċara u kompluta dwar il-proċedimenti u dwar il-konsegwenzi possibbli tagħhom; jitlobhom jinfurmaw lill-ġenituri dwar ir-regoli dwar l-appoġġ u l-għajnuna legali, pereżempju billi jipprovdulhom lista ta' avukati speċjalizzati bilingwi u billi joffru faċilitajiet ta' interpretazzjoni, sabiex jiġu evitati każijiet fejn il-ġenituri jagħtu l-kunsens tagħhom mingħajr ma jifhmu bis-sħiħ l-implikazzjonijiet tal-impenji tagħhom; jirrakkomanda wkoll li jingħata appoġġ adegwat lill-ġenituri b'diffikultajiet ta' litteriżmu;

17.

Jirrakkomanda li jiġu stabbiliti standards minimi dwar is-smigħ tat-tfal fi proċedimenti ċivili nazzjonali, b'konformità mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

18.

Jirrakkomanda li s-smigħ tal-ġenituri u s-smigħ tat-tfal quddiem imħallef, espert jew assistent soċjali isiru b'mod separat, biex jiġi evitat li t-tfal ikunu influwenzati jew jisfaw vittmi ta' kunflitti ta' lealtà;

19.

Jirrakkomanda li jiġu stabbiliti livelli ta' limitu għad-durata ta' kull stadju tal-proċedimenti transkonfinali dwar l-indukrar tat-tfal, sabiex il-membri tal-familja estiża tat-tfal ikollhom biżżejjed żmien biex jippreżentaw ruħhom u japplikaw biex jadottaw it-tfal, jew il-ġenituri jkunu jistgħu jindirizzaw il-problemi tagħhom u jipproponu alternattivi sostenibbli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali dwar l-adozzjoni; iqis li qabel ma tiġi ddeterminata kwalunkwe soluzzjoni permanenti, bħall-adozzjoni, għandha ssir valutazzjoni mill-ġdid xierqa tas-sitwazzjoni tal-familja bijoloġika;

20.

Jitlob lill-Istati Membri jagħtu żmien raġonevoli lill-ġenituri li jbatu mill-vizzju tal-alkoħol jew tad-droga sabiex ikollhom opportunità reali biex jirkupraw qabel ma l-qorti tieħu d-deċiżjoni finali dwar l-adozzjoni ta' wliedhom;

21.

Jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għar-rakkomandazzjonijiet li jaslu dwar il-medjazzjoni transkonfinali mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew;

It-tqegħid tat-tfal u l-adozzjoni

22.

Jiddikjara li m'hemm l-ebda mekkaniżmu fi ħdan l-UE li jipprovdi għar-rikonoxximent awtomatiku ta' ordnijiet ta' adozzjoni domestika maħruġa fi Stati Membri oħrajn; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jirregolaw ir-rikonoxximent ta' adozzjoni domestika, filwaqt li jqisu l-aħjar interessi tat-tfal u bir-rispett dovut għall-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni;

23.

Jitlob lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-istati mhux kontraenti biex jingħaqdu mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1993, peress li dan kieku jiggarantixxi li t-tfal kollha jibbenefikaw mill-istess standards u jgħin biex tiġi evitata sistema parallela b'inqas salvagwardji; jitlob lill-Istati Membri biex jevitaw burokrazija qawwija fl-ipproċessar tar-rikonoxximent ta' adozzjonijiet internazzjonali diġà rikonoxxuti fi Stat Membru ieħor;

24.

Jenfasizza l-importanza li t-tfal fi kwalunkwe tip ta' arranġament ta' foster care jew adozzjoni jiġu offruti t-tqegħid bl-aħjar opportunitajiet biex jinżammu l-kuntatti mal-isfond kulturali tat-tfal u biex jitgħallmu u jużaw l-ilsien matern tagħhom; jitlob lill-awtoritajiet tal-Istati Membri involuti fi proċedimenti dwar l-indukrar tat-tfal biex jagħmlu l-isforzi kollha possibbli sabiex tiġi evitata s-separazzjoni tal-aħwa;

25.

Jitlob lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari u appoġġ lill-ġenituri, u b'mod partikolari lin-nisa, li jkunu sfaw vittmi ta' vjolenza domestika, bħala tfal jew adulti, sabiex ikun evitat li jkunu vittimizzati mill-ġdid bit-tneħħija awtomatika tal-kustodja ta' wliedhom;

Ħtif transkonfinali tat-tfal mill-ġenituri

26.

Jitlob lill-Kummissjoni tippubblika r-riżultati miksuba fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali f'każijiet ta' ħtif ta' tfal, li hija ddikjarat bħala prijorità fl-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

27.

Jitlob lill-Kunsill biex jirrapporta dwar ir-riżultati miksuba fl-istabbiliment ta' sistemi ta' allarm għall-ħtif tat-tfal b'implikazzjonijiet transkonfinali, u biex jikkonkludi l-ftehimiet ta' kooperazzjoni rilevanti li jittrattaw każijiet ta' ħtif transkonfinali abbażi tal-linji gwida tal-Kummissjoni;

o

o o

28.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.


21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/6


P8_TA(2016)0200

Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2014 (2015/2127(INI))

(2018/C 066/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività tal-2014 tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju tal-2014 u r-Rapport Statistiku tal-2014 tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-2014 dwar is-Sostenibbiltà, ir-Rapport tal-2014 dwar valutazzjoni fuq 3 pilastri għall-operazzjonijiet tal-BEI fi ħdan l-UE u r-Rapport tal-2014 dwar ir-Riżultati barra l-UE tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali tal-Kumitat ta' Awditjar tal-BEI għas-sena 2014,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2014 dwar Attivitajiet Kontra l-Frodi tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

wara li kkunsidra l-Pjan Operazzjonali tal-Grupp tal-BEI għall-2014-2016 (is-17 ta' Diċembru 2013), il-Pjan Operazzjonali Korporattiv tal-FEI għall-2014-2016 (Diċembru 2013) u l-Pjan Operazzjonali tal-Grupp tal-BEI għall-2015-2017 (il-21 ta' April 2015),

wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Politika għat-Trasparenza tal-BEI fl-2014,

wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività tal-2014 tal-Uffiċċju tal-Uffiċjal Ewlieni għall-Konformità tal-BEI,

wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 174, 175, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 5 tat-TFUE dwar l-Istatut tal-BEI,

wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2012 (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2013 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea (3) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2014 dwar il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea (COM(2014)0168),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-Mandat Estern tal-BEI 2007-2013 u d-Deċiżjoni 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 670/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2012, li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija (b'rabta mal-fażi pilota għall-Inizjattiva dwar bonds li jiffinanzjaw proġetti Ewropa 2020),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014 li jirreferu espliċitament għall-involviment tal-BEI f'fond ġdid immirat lejn investimenti biex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija u jiġu modernizzati sistemi tal-enerġija fl-Istati Membri bi dħul iktar baxx,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 dwar ''Pjan ta' Investiment għall-Ewropa'' (COM(2014)0903),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2015 intitolata "Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi: Ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali (NPBs) fl-appoġġ tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (COM(2015)0361),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0050/2016),

A.

billi l-kompitu ewlieni tal-BEI bħala l-bank tal-UE huwa li jappoġġa finanzjarjament proġetti fl-interess tal-Unjoni li jikkontribwixxu għal żvilupp bilanċjat tas-suq intern u għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, u b'hekk jissaħħu l-integrazzjoni Ewropea, filwaqt li jikkontribwixxu għal rata ogħla tal-impjieg u għall-kompetittività tal-Unjoni;

B.

billi l-attivitajiet kollha ffinanzjati mill-BEI għandhom ikunu konsistenti mat-Trattati tal-UE u l-objettivi ġenerali tal-UE u l-oqsma ta' prijorità, kif definiti mill-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Faċilità għat-Tkabbir u l-Impjiegi;

C.

billi, bil-għan li jwettaq il-kompitu tiegħu, il-BEI għandu jagħti self u garanziji li jiffaċilitaw il-finanzjament ta' proġetti fis-setturi kollha tal-ekonomija, filwaqt li jopera fuq bażi ta' mingħajr qligħ;

D.

billi b'riżultat tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali tal-2008 tfaċċa distakk serju fl-investiment u livelli estremi ta' qgħad, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, flimkien mal-prospettiva ta' staġnar fit-tul tal-ekonomija Ewropea;

E.

billi fil-preżent kemm l-Istati Membri individwali u kemm l-UE inġenerali qed iħabbtu wiċċhom ma' sfida kbira mingħajr preċedent fl-istorja kollha tal-UE, li jimmaniġġjaw flussi tal-massa ta' migranti minn reġjuni differenti fid-dinja;

F.

billi fiċ-ċirkustanzi preżenti r-rwol ċentrali tal-BEI issa huwa kkaratterizzat minn grad ta' urġenza ġdid fuq bażi kwalitattiva għall-implimentazzjoni effettiva tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u għall-operazzjoni effiċjenti tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), bħala l-mezz prinċipali biex tingħata spinta lit-tkabbir, jinħolqu impjiegi deċenti u jingħelbu l-qasmiet soċjali u territorjali fi ħdan l-Unjoni;

G.

billi l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) għandu rwol kruċjali fir-rispons tal-Grupp tal-BEI għal dak li jirrigwarda l-indirizzar tal-konsegwenzi aktar fit-tul tal-kriżi, u jikkontribwixxi wkoll għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea permezz tal-appoġġ lill-SMEs;

H.

billi l-BEI m'għandux ikun biss istituzzjoni finanzjarja iżda wkoll bank ta' għarfien u prattiki tajba, li jagħti parir lill-Istati Membri u l-partijiet interessati ekonomiċi u jikkontribwixxi biex jiġi mmassimizzat il-valur miżjud tal-fondi tal-UE;

I.

billi l-finanzjament tal-operazzjonijiet mill-BEI barra mill-UE huwa mfassal b'mod li jappoġġa l-objettivi tal-politika esterna tal-UE, skont il-valuri tal-Unjoni u abbażi tar-rispett għal standards soċjali u ambjentali sostenibbli;

J.

billi l-iskala u l-kumplessità tal-kompiti li qed iħabbat wiċċu magħhom il-BEI fil-preżent, jappellaw għal impenn imġedded biex jiġi evitat strettament il-finanzjament ta' proġetti li jiksru l-istandards bażiċi ta' ġestjoni finanzjarja tajba, u b'hekk issir ħsara lill-kredibbiltà tal-BEI bħala istituzzjoni finanzjarja pubblika bi klassifikazzjoni AAA u reputazzjoni inkontestabbli;

Il-programm ta' investiment tal-BEI li jsostni l-għanijiet ta' politika tal-UE

Nagħtu prijorità lill-investimenti biex jitħaffef l-irkupru u tissaħħaħ il-produttività

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-Rapporti Annwali għall-2014 tal-BEI u l-kisbiet li kellu ppreżentati fih, u jħeġġeġ lill-BEI sabiex ikompli fl-isforzi tiegħu biex jiżdied il-livell baxx ta' investiment fl-UE;

2.

Jilqa' b'mod partikolari l-fatt li fl-2014 il-BEI ffinanzja 285 000 intrapriża żgħira u ta' daqs medju, b'hekk issalvagwardja 3,6 miljun impjieg, u ffirma kuntratti għal total ta' 413-il proġett fi ħdan l-UE b'valur ta' EUR 69 biljun u 92 proġett ġdid barra mill-UE għal total ta' EUR 7,98 biljun; jilqa' l-fatt li fl-istess sena l-FEI impenja EUR 3,3 biljun permezz tal-attivitajiet ta' ekwità u ta' garanzija tiegħu għall-benefiċċju ta' negozji iżgħar, u b'hekk irreġistra l-implimentazzjoni b'suċċess ta' wieħed mill-aktar pjanijiet ta' negozju ambizzjużi tal-BEI, b'total ta' EUR 80,3 biljun f'finanzjament tal-Grupp tal-BEI; jilqa' l-fatt li l-volum ta' firem miksuba mill-BEI fl-2014 kien fl-ogħla livell tiegħu mill-2009 'l hawn, iżda jenfasizza li l-livelli ta' firem għandhom potenzjal ogħla; jappoġġa ż-żieda fil-kapital tal-BEI b'EUR 10 biljuni li ntlaħaq qbil dwarha fl-2012 mill-Istati Membri kollha;

3.

Josserva madankollu li fl-2014 59,4 % tal-proġetti kollha ffirmati mill-BEI ġew allokati lill-aqwa ħames ekonomiji tal-UE, filwaqt li s-sehem tat-23 Stat Membru l-oħrajn kien biss ta' 30,3 %; jinkoraġġixxi lill-BEI jimplimenta politika ta' self aktar bilanċjata għall-Istati Membri, meta titqies l-intensità tal-isfidi kemm dawk attwali kif ukoll dawk fuq terminu twil li qed tiffaċċja l-Unjoni;

4.

Jistieden lill-BEI jipprovdi aktar appoġġ tekniku fl-istadju ta' qabel l-approvazzjoni lil dawk l-Istati Membri li għandhom rata ta' suċċess aktar baxxa għall-approvazzjoni tal-proġetti, u jinkoraġġixxi lill-BEI jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prassi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-iżvilupp b'suċċess tal-proġetti;

5.

Jistieden lill-BEI jiffoka fuq l-investimenti fl-ekonomija reali sabiex jistimula l-impjiegi u t-tkabbir fl-UE;

6.

Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rati għoljin ferm ta' qgħad f'ħafna Stati Membri, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u jħeġġeġ lill-BEI jikkunsidra din is-sitwazzjoni meta jimplimenta l-politiki tiegħu;

7.

Jinnota li l-operazzjonijiet, filwaqt li jittieħed kont tad-disponibbiltà tal-fondi, għandhom jiġu mmirati lejn il-ġenerazzjoni ta' investimenti li jsaħħu l-irkupru ekonomiku u l-impjiegi produttivi, u akkumpanjati minn appoġġ konsistenti lill-Istati Membri bil-għan li jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' assorbiment fejn meħtieġ, kif ukoll minn impenn kontinwu biex jiġi evitat ir-riskju ta' frammentazzjoni territorjali;

8.

Jinnota li kapaċità insuffiċjenti ta' ġenerazzjoni ta' proġetti fis-setturi pubbliċi u privati u livelli baxxi ta' kapaċità ta' self f'xi Stati Membri, flimkien mal-kundizzjonijiet tas-suq attwali jippreżentaw sfidi sinifikanti għall-programm ta' self tal-BEI; iħeġġeġ lill-BEI għaldaqstant biex iżid sostanzjalment l-assistenza teknika u l-konsulenza finanzjarja tiegħu fl-oqsma ewlenin kollha ta' attività, u dan fuq bażi faċilment aċċessibbli u fir-rigward tal-Istati Membri kollha sabiex jintlaħaq livell ħafna ogħla ta' kapaċità li tiġġenera t-tkabbir;

9.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-użu tal-Qafas ta' Valutazzjoni fuq Tliet Pilastri (3PA) u l-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati (ReM) mill-BEI għall-valutazzjoni ex ante tar-riżultati mistennija mill-proġetti ta' investiment, kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE;

10.

Jistieden lill-BEI biex fl-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-proġetti jagħti prijorità deċiżiva lill-effett fit-tul tal-investimenti, fir-rigward mhux biss tal-indikaturi finanzjarji iżda wkoll, u fuq kollox, lill-kontribut tagħhom lejn l-iżvilupp sostenibbli u kwalità ta' ħajja aħjar permezz ta' titjib ulterjuri fil-qasam tal-impjiegi, l-istandards soċjali u l-ambjent;

11.

Jenfasizza li l-approvazzjoni tal-finanzjament tal-proġett għandha tkun ibbażata fuq analiżi finanzjarja u tar-riskju xierqa, il-vijabbiltà finanzjarja u l-ġestjoni baġitarja tajba; iqis li l-proġetti approvati għall-finanzjament tal-BEI għandhom joffru valur miżjud ċar għall-ekonomija Ewropea;

12.

Jiddispjaċih li fir-Rapport 3PA ma hemm l-ebda informazzjoni ppreżentata, kemm jekk ibbażata fuq 3PA jew għodod rilevanti oħra, dwar ir-riżultati reali miksuba minn operazzjonijiet imwettqa ġewwa l-UE fl-2014 (f'kuntrast mar-riżultati miksuba barra l-UE), minkejja l-fatt li t-3PA huwa mfassal bil-għan speċifiku li jsaħħaħ il-kapaċità tal-BEI li jimmonitorja l-implimentazzjoni billi jsegwi l-impatti tul iċ-ċiklu kollu tal-proġett; jistenna li b'riżultat tal-armonizzazzjoni li għaddejja bejn it-3PA u r-ReM se jiġi stabbilit qafas armonizzat ġdid fil-bidu tal-2016 li jkun aktar adattat għall-valutazzjoni ex post u r-rappurtar ta' riżultati tal-proġetti kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE u kompletament konformi mat-tabella ta' valutazzjoni għall-operazzjonijiet tal-FEIS, u li se jintuża għall-eżerċizzju ta' rappurtar tal-2015 tal-BEI; jappella biex il-valutazzjonijiet tal-proġetti individwali jiġu ppubblikati fuq bażi sistematika;

13.

Jieħu nota tal-Pjan Operazzjonali tal-BEI għall-2015-2017; jilqa' l-fatt li dan jirrikonoxxi li l-veloċitajiet ta' rkupru jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u li stabbilixxa l-koeżjoni ekonomika u soċjali bħala objettiv tal-politika trasversali;

14.

Jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-BEI rristruttura l-klassifikazzjoni tal-Għanijiet ta' Politika Pubblika (PPGs) prinċipali tiegħu għall-Grupp tal-BEI għall-2015-2017 (l-innovazzjoni u l-kapital uman, l-SMEs u l-finanzjament għal kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, l-infrastruttura effiċjenti u l-ambjent) b'mod li huwa differenti mill-formulazzjoni tal-PPGs tiegħu għall-2014-2016 (żieda fil-potenzjal tat-tkabbir u l-impjiegi, is-sostenibbiltà ambjentali, il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-konverġenza, u l-azzjoni klimatika); jinnota li l-PPGs ġew allinjati għaċ-ċirkostanzi ekonomiċi li qed jevolvu, u jistieden f'dan ir-rigward lill-BEI jiżgura li jissaħħu ulterjorment iż-żewġ għanijiet trasversali għall-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE u għall-azzjoni klimatika, flimkien mal-persentaġġ previst ta' firem li jikkontribwixxu għalihom;

15.

Iqis madankollu li l-preżentazzjoni tal-attivitajiet tal-BEI fir-Rapport tal-Attività tal-2014 mhijiex kompletament konsistenti mal-PPGs għall-2014; jiddispjaċih barra minn hekk dwar in-nuqqas ta' informazzjoni b'rabta mar-riżultati miksuba mid-diversi strumenti finanzjarji tal-BEI u l-inizjattivi li kienu fis-seħħ fl-2014; jirrakkomanda li, biex jikkomunika l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu, il-BEI m'għandux jiffoka primarjament fuq il-volum tal-investimenti magħmula iżda pjuttost fuq l-effett tagħhom;

16.

Jistenna li l-BEI jikkontribwixxi għar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropa 2020 billi jippreżenta informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu u l-kontribut tagħhom għall-kisba tal-miri tal-istrateġija;

17.

Jistieden lill-BEI jikkunsidra jfassal fl-2015 rapport aktar komprensiv u analitiku dwar l-attivitajiet annwali tiegħu li joffri sommarju adegwat tal-informazzjoni mir-rapporti tematiċi tiegħu u li jikkorrispondi iżjed bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tal-Istatut tal-BEI;

18.

Jilqa' l-informazzjoni ġdida pprovduta mid-dokument ta' ħidma dwar l-istrumenti finanzjarji li jakkumpanja l-abbozz tal-baġit; jiddispjaċih madankollu li ma ngħatatx stampa ġenerali tal-impenji u l-pagamenti annwali lill-BEI u jistenna aktar informazzjoni;

19.

Jenfasizza li l-investiment, ir-riformi strutturali u l-politiki baġitarji tajba jridu jagħmlu parti minn strateġija globali;

Nippromwovu l-impjiegi taż-żgħażagħ, l-innovazzjoni u l-SMEs

20.

Jilqa' l-implimentazzjoni fl-2014 tal-inizjattiva tal-BEI ''Ħiliet u Impjiegi – Investiment fiż-Żgħażagħ'', u jħeġġeġ lill-BEI jkompli jinvesti fl-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-impjiegi għaż-żgħażagħ; jistieden lill-BEI jirrapporta b'mod komprensiv dwar ir-riżultati miksuba permezz tal-inizjattiva tiegħu ''Investiment fiż-Żgħażagħ'', inkluż permezz tal-użu ta' indikatur bħal pereżempju l-impjiegi sostenibbli li jirriżultaw minn operazzjonijiet speċifiċi;

21.

Jilqa' t-tnedija fl-2014 ta' firxa ġdida ta' prodotti fil-qafas ta' InnovFin – Finanzi tal-UE għall-Innovaturi, miftuħa għal innovaturi ta' kull daqs, kif ukoll it-tnedija tas-servizz ta' konsulenza ta' InnovFin għal proġetti kbar ta' R&Ż; jieħu nota wkoll tat-tnedija fl-2014 tal-Mandat il-ġdid ta' Titjib tar-Riskju tal-Grupp tal-BEI;

22.

Jinnota li fl-2014 il-Bank iffirma total ta' 225 operazzjoni fi ħdan l-UE għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-ħiliet (62 operazzjoni ta' innovazzjoni u R&Ż għal EUR 9,6 biljun u 25 operazzjoni tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet għal EUR 4,4 biljun) u għal SMEs u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja (138 operazzjoni għal EUR 22,2 biljun);

23.

Jieħu nota taż-żieda fil-kapital tal-FEI ta' EUR 1,5 biljun fl-2014, u l-investiment rekord tiegħu biex jipprovdi finanzjament ta' riskju lill-SMEs fl-ammont ta' EUR 3,3 biljun, li wassal għal ingranaġġ ta' EUR 14-il biljun f'kapital; jitlob li fir-Rapport Annwali tal-BEI tiġi inkluża ħarsa ġenerali komprensiva u trasparenti tal-operazzjonijiet tal-FEI;

24.

Jieħu nota tal-fatt li l-Grupp tal-BEI jgħaddi l-finanzjament għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja permezz ta' firxa ta' intermedjarji finanzjarji, bil-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-finanzjament u l-aċċess għalih; jistieden għaldaqstant lill-BEI jaħdem aktar mill-qrib mal-intermedjarji finanzjarji tiegħu fl-Istati Membri u jħeġġiġhom ixerrdu informazzjoni rilevanti lill-benefiċjarji potenzjali sabiex jiġi stabbilit ambjent favorevoli għall-imprendituri li jippermetti aċċess aktar faċli għall-SMEs għall-finanzjament;

25.

Jinnota li SMEs f'bosta partijiet tal-Ewropa jiffaċċjaw diffikultajiet kbar ħafna biex ikollhom aċċess għall-finanzjament neċessarju; jilqa' f'dan il-kuntest il-fatt li l-BEI qed jagħmel enfasi akbar fuq l-appoġġ għall-SMEs; jenfasizza l-importanza tal-BEI biex jiffaċilita sħubijiet u jsaħħaħ l-istrumenti ta' appoġġ għall-finanzjament tal-attività ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji u ta' negozji ġodda innovattivi; jistieden lill-BEI barra minn hekk jikkoopera aktar mill-qrib mal-istituzzjonijiet pubbliċi reġjonali biex itejjeb kemm jista' jkun il-possibbiltajiet ta' finanzjament għall-SMEs;

26.

Jilqa' l-programmi għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ tal-BEI, b'mod partikolari l-Faċilità ta' Finanzjament tal-Kummerċ għall-SMEs li toffri garanziji lill-banek barranin li jipprovdu finanzjament tal-kummerċ lill-SMEs u b'hekk tikkontribwixxi għat-tkebbis mill-ġdid tal-flussi kummerċjali u ttaffi l-limitazzjonijiet kollaterali tal-flus kontanti, u proġetti kummerċjali ġodda ta' finanzjament immirati lejn pajjiżi milquta bil-kbir mill-kriżi ekonomika jew soluzzjonijiet finanzjarji mfasslin apposta, bħall-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress iddedikati għall-inklużjoni finanzjarja;

27.

Jistieden lill-BEI jiżviluppa politika ta' komunikazzjoni effikaċi li tindirizza benefiċjarji privati potenzjali, u dan bħala parti integrali mill-funzjoni konsultattiva tiegħu; jinkoraġġih isaħħaħ u jespandi n-netwerk tal-uffiċċji tiegħu fi ħdan l-UE;

28.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' informazzjoni fir-Rapport tal-Attività tal-2014 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' Lulju 2014 bejn il-Kummissjoni u l-FEI taħt il-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME);

Insaħħu s-sostenibbiltà ambjentali u l-azzjoni klimatika

29.

Jinnota li minn 84 proġett ambjentali ffirmat fl-2014 fl-UE, li jammontaw għal total ta' EUR 12,6 biljun, il-proġetti tat-trasport sostenibbli kienu jikkostitwixxu EUR 5,1 biljun, il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u ta' effiċjenza fl-enerġija EUR 3,7 biljun, u l-proġetti għall-protezzjoni tal-ambjent EUR 3,8 biljun; jinnota wkoll li l-operazzjonijiet iffirmati għall-objettiv trasversali tal-''azzjoni klimatika'' ammontaw għal EUR 16,8 biljun, jew 24 % tal-finanzjament totali tal-BEI fl-UE;

30.

Jieħu nota tal-fatt li l-appoġġ tal-BEI għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli fl-2014 kien ikkonċentrat l-aktar fil-ħames l-akbar ekonomiji tal-UE, hekk kif minn EUR 4,5 biljun għall-proġetti ta' enerġija rinnovabbli fl-UE-28 intefqu biss EUR 42 miljun fit-13-il Stat Membru ġodda; jgħid ukoll li wieħed josserva konċentrazzjoni simili fis-settur tal-effiċjenza enerġetika, fejn minn EUR 2 biljuni kienu allokati biss EUR 148 miljun lit-13-il Stat Membru ġodda; iħeġġeġ sabiex jiżdied b'mod progressiv is-sehem ta' investimenti futuri fl-iżvilupp ta' kapaċitajiet tal-enerġija rinnovabbli u fis-settur tal-effiċjenza tal-enerġija fl-Istati Membri l-ġodda sa ma jintlaħqu 30 % tal-investimenti totali f'dawn l-oqsma sal-2020; jitlob li jsir sforz akbar biex tingħata aktar assistenza teknika lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom li jħejju proġetti vijabbli li jippermettu aktar investimenti fis-settur tal-enerġija;

31.

Jilqa' t-tnedija fl-2014 ta' strumenti ġodda u innovattivi biex jappoġġaw azzjoni favur il-klima, bħall-Istrument ta' Finanzjament Privat għall-Effiċjenza fl-Enerġija u l-Faċilità ta' Finanzjament Kapitali Naturali, u jistenna li l-BEI jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħhom fir-rapporti ta' attività futuri tiegħu;

32.

Jinkoraġġixxi l-impenn tal-BEI biex jappoġġa inizjattivi li jgħinu lill-UE tibqa' minn ta' quddiem nett u twettaq l-ambizzjonijiet tagħha li ilhom stabbiliti dwar is-suq tal-karbonju fil-kuntest tal-Qafas ta' Politika għall-Klima u l-Enerġija għall-2030, l-Istrateġija għal Emissjonijiet Baxxi tal-Karbonju għall-2050, u t-taħdidiet dwar il-klima tan-NU biex jiġi definit ftehim globali ġdid; jitlob rieżami tas-sehem ta' investimenti tal-BEI fl-azzjoni dwar il-klima, peress li s-sehem ta' 25 % diġà ntlaħaq;

33.

Jieħu nota tal-momentum lejn l-iżvilupp ta' suq tal-bonds ekoloġiċi u r-rwol ewlieni tal-BEI bil-bonds ekoloġiċi u l-bonds għall-għarfien klimatiku tiegħu stess, xhieda tal-interess tal-investitur fi prodotti finanzjarji ddedikati għal tkabbir sostenibbli, b'livell baxx ta' karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima; jistieden lill-BEI jeżamina mill-ġdid l-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tiegħu fl-2016 fid-dawl tal-Istrateġija tal-UE għal Emissjonijiet Baxxi tal-Karbonju għall-2050;

34.

Jilqa' l-pubblikazzjoni f'Settembru 2015 tal-Istrateġija Klimatika tal-BEI – Mobilizzazzjoni tal-finanzjament għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx tal-karbonju u reżiljenti għall-klima, u r-Rapport ta' Sinteżi dwar Valutazzjoni tal-Operazzjonijiet ta' Finanzjament tal-BEI għal Azzjoni dwar il-Klima (mitigazzjoni) fl-UE bejn l-2010 u l-2014; jappella sabiex jiġi applikat approċċ SMART (speċifiku, li jista' jitkejjel u jinkiseb, realistiku u marbut mal-ħin) fil-pjanijiet ta' azzjoni speċifiċi wara l-Istrateġija Klimatika tal-BEI sal-2017;

Nippromwovu koeżjoni u konverġenza ekonomiċi u soċjali

35.

Jinnota li EUR 19,9 biljun, jew 29 % tal-finanzjament totali tal-BEI fl-UE fl-2014, kienu għal operazzjonijiet li jappoġġaw il-koeżjoni; jiddispjaċih madankollu li ma hemm l-ebda informazzjoni dwar l-għadd ta' proġetti appoġġati mill-Grupp tal-BEI skont is-setturi relevanti jew l-istrumenti finanzjarji jew l-inizjattivi applikati relatati ma' dan l-objettiv ta' politika trasversali;

36.

Jissottolinja r-rwol deċiżiv tal-politika ta' koeżjoni biex jitnaqqsu l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni Ewropej u titrawwem l-integrazzjoni Ewropea, u jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ewlenija ta' approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni; iħeġġeġ lill-BEI biex fir-rapporti annwali futuri tiegħu jinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-kontribut u r-riżultati miksuba lejn l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni permezz tal-attivitajiet tal-BEI;

37.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol imkabbar li l-Grupp tal-BEI se jkollu fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; jemmen li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba lejn titjib fis-sinerġiji bejn il-BEI u l-Fondi SIE; jappella għal titjib fl-attività tiegħu f'konformità mal-Protokoll (Nru 28) dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali; iqis li jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-BEI u l-korpi lokali u reġjonali biex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji jintużaw b'mod effettiv biex tingħata spinta lill-politiki ta' żvilupp territorjali u ta' koeżjoni; jilqa' s-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-BEI biex tiġi stabbilita pjattaforma konsultattiva fi-compass; jemmen bis-sħiħ li jeħtieġ li jiġu semplifikati r-regoli dwar l-appoġġ mogħti mill-Fondi SIE lill-istrumenti finanzjarji taħt il-BEI;

38.

Jilqa' b'mod partikolari l-attività ta' finanzjament tal-BEI b'appoġġ għall-proġetti infrastrutturali u tat-trasport fir-reġjuni tal-Ewropa; jenfasizza li appoġġ finanzjarju ta' dan it-tip iżid b'mod sinifikanti l-potenzjal għall-iżvilupp tal-kummerċ, billi jrawwem it-tkabbir u l-kompetittività, speċjalment f'dawk iż-żoni bi żvantaġġi naturali ġeografiċi;

39.

Jinnota li fl-2014 il-BEI ffirma, ġewwa l-UE, 104 proġetti għall-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali u ekonomika għal total ta' EUR 20,2 biljun, li minnhom il-proġetti strateġiċi tat-trasport (inklużi TEN-T) ammontaw għal EUR 8,2 biljun, il-proġetti għal enerġija kompetittiva u sikura EUR 7,5 biljun, u l-proġetti ta' tiġdid urban (inkluża s-saħħa) EUR 4,5 biljun;

40.

Jenfasizza li l-investiment fi proġetti infrastrutturali sostenibbli huwa kruċjali biex titjieb il-kompetittività u jerġa' jkun hemm it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa; jitlob għalhekk li l-finanzjament tal-BEI jiġi utilizzat favur iż-żoni l-aktar affettwati minn qgħad għoli, u għal aktar proġetti infrastrutturali soċjali; jenfasizza li l-finanzjament tal-BEI għandu jiffoka primarjament fuq dawk il-pajjiżi li qegħdin jaqgħu lura f'termini ta' kwalità u żvilupp tal-infrastruttura, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu, madankollu, il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba u l-vijabbiltà tal-proġetti;

41.

Jinnota bi tħassib it-tendenza li tiġi ffinanzjata infrastruttura bħalma huma l-awtostradi, li jħeġġu l-konsum tal-karburanti fossili u għalhekk imorru kontra l-objettivi fit-tul tal-Unjoni li nersqu lejn ekonomija ħielsa mill-karbonju; jistieden lill-BEI jinkludi valutazzjoni ex-ante obbligatorja tal-valur miżjud ambjentali, ekonomiku u soċjali fil-proċess għall-għażla ta' proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati ġewwa u barra l-UE u biex il-valutazzjonijiet ex-anteex-post kollha jitwettqu bl-involviment attiv tal-partijiet interessati, l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jitlob barra minn hekk li r-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet u l-indikaturi użati jsiru pubbliċi u li jkunu għalkollox aċċessibbli;

42.

Jenfasizza li l-finanzjament ta' proġetti kbar spiss jiffaċilita l-infiltrazzjoni minn kumpaniji marbuta mal-kriminalità organizzata; jikkritika l-fatt li l-BEI ffinanzja l-biċċa tal-awtostrada magħrufa bħala Passante di Mestre, li fuqha hemm investigazzjonijiet għaddejjin fuq frodi tat-taxxa; jinnota bi tħassib li l-BEI ma weġibx għal dawn it-talbiet f'dan ir-rigward li jinsabu fir-rapport dwar ir-Rapport Annwali 2013 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi; jistieden lill-BEI, għal darb'oħra, jissospendi kull forma ta' finanzjament għall-proġett;

43.

Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp reġjonali u jistieden lill-BEI jtejjeb id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet, il-banek u l-aġenziji reġjonali u lokali; iqis li, f'dan il-qafas, il-kooperazzjoni transkonfinali għandha tiġi appoġġata wkoll;

44.

Jistieden lill-BEI iżid l-appoġġ tiegħu lill-proġetti koperti mill-istrateġiji makroreġjonali tal-UE; jenfasizza l-importanza li jitkompla jingħata appoġġ lis-setturi ekonomiċi innovattivi u sostenibbli, kif ukoll dawk tradizzjonali fl-UE; jissottolinja l-ħtieġa li l-Ewropa tiġi interkonnessa permezz ta' trasport intermodali kif ukoll investimenti bbażati fuq il-post; jitlob barra minn hekk għall-istabbiliment ta' pjattaformi finanzjarji u ta' investiment sabiex jippermettu l-ġbir ta' fondi minn sorsi varji u l-mobilizzazzjoni tal-investimenti meħtieġa għal tali proġetti makroreġjonali;

Il-ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)

45.

Jilqa' l-Fond Ewropew il-ġdid għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); jenfasizza l-ħtieġa li l-FEIS jiffunzjona b'mod effikaċi, kompletament trasparenti u ġust f'konformità mal-kriterji tal-mandat u r-regolament tiegħu, u jirrakkomanda kooperazzjoni mill-viċin u ħarsa ġenerali tal-operazzjonijiet tal-FEIS min-naħa tal-Parlament u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jenfasizza li r-riżorsi tiegħu għandhom juru addizzjonalità reali meta mqabbla mal-operazzjonijiet normali ffinanzjati mill-BEI; ifakkar li l-FEIS għandu wkoll jagħti kontribut għall-koeżjoni, u jistieden lill-BEI jiżgura l-konsistenza u l-komplementarjetà mal-investimenti mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment u fondi oħra pubbliċi; jistieden lill-BEI jimplimenta u jkompli jiżviluppa l-FEIS f'kooperazzjoni mill-qrib mal-koleġiżlaturi, inkluż permezz ta' konklużjoni f'waqtha u obbligatorja tal-ftehim pendenti li hemm bejn il-Parlament u l-BEI;

46.

Jistenna li l-għanijiet għall-FEIS se jkunu konsistenti mal-PPGs tal-BEI u li l-livelli tal-investimenti tal-BEI għall-2016 se jiġu adattati biex jirriflettu wkoll l-operazzjonijiet tal-FEIS;

47.

Jenfasizza li l-FEIS għandu jibbenefika lill-Istati Membri kollha mingħajr allokazzjoni settorjali u reġjonali minn qabel, u għandu jkun konsistenti wkoll ma' inizjattivi ta' investiment reġjonali jew lokali li għaddejjin; jenfasizza li l-finanzjament tal-FEIS għandu jibbenefika wkoll proġetti fuq skala żgħira;

48.

Jirrikonoxxi l-isfidi involuti biex tinħoloq sensiela ta' proġetti strateġiċi tal-FEIS u biex issir operattiva malajr; jilqa' l-istabbiliment min-naħa tal-BEI ta' ċentru ta' konsulenza għall-investiment Ewropew, li għandu l-għan jipprovdi assistenza teknika u għarfien espert għal promoturi potenzjali; jistenna li l-mekkaniżmu ta' assistenza teknika jaħdem b'mod effettiv fil-livell lokali u reġjonali;

49.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jaħtru banek promozzjonali nazzjonali u jrawmu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-BEI u l-banek promozzjonali nazzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-pjattaformi tal-investiment, sabiex jiġbru u jaqsmu għarfien espert u kompetenzi u jkun hemm allinjament aħjar bejn l-azzjonijiet tal-BEI u l-prijoritajiet ta' politika tal-Istati Membri; ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm trasparenza sħiħa u li tingħata prijorità lill-orjentament lejn ir-riżultati fir-rigward tal-involviment tal-banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali fil-proġetti tal-FEIS;

50.

Jistieden lill-BEI jiżgura li l-FEIS ma jintużax indirettament bħala mezz biex jiżdied il-kapital tal-BEI; jistieden għalhekk lill-BEI jirrevedi regolarment l-involviment tiegħu fil-FEIS u juri li l-kundizzjonijiet dwar l-addizzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 2015/1017 ġew issodisfati u li, b'mod partikolari ma jkunux qed jiġu eliminati sorsi ta' finanzjament privat;

51.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li ħafna mill-proġetti magħżula matul il-fażi ta' warehousing kien ikollhom aċċess għall-finanzjament b'kundizzjonijiet normali u li dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta' addizzjonalità; ifakkar li l-garanzija tal-FEIS kienet maħsuba sabiex tippermetti lill-BEI jieħu aktar riskji filwaqt li jibqa' jżomm il-klassifikazzjoni AAA tiegħu; jenfasizza li huwa se joqgħod attent ħafna fil-monitoraġġ tal-konformità ma' dan il-kriterju;

52.

Jistenna li l-Grupp tal-BEI joqgħod partikolarment attent fir-rigward tal-konformità mal-Artikolu 140(6) tar-Regolament Finanzjarju, li jipprevedi li l-istrumenti finanzjarji ''ma jiġġenerawx vantaġġi indebiti, b'mod partikolari fil-forma ta' dividendi jew profitti indebiti għal terzi'', minħabba l-biża' li l-FEIS jista' b'xi mod jikkontribwixxi għas-soċjalizzazzjoni tar-riskji u l-privatizzazzjoni tal-profitti fid-dawl ta' esperjenzi ta' finanzjament f'każijiet bħall-proġett Castor fi Spanja jew il-proġett Passante di Mestre fl-Italja;

Inqisu l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti (PBI)

53.

Iqis li l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti (PBI) għandha tiġi vvalutata serjament fir-rigward tal-impatt finanzjarju, soċjali u ambjentali tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twaqqaf proċess ta' konsultazzjoni inklużiv u miftuħ, bil-parteċipazzjoni attiva tar-rappreżentanti mill-Parlament Ewropew, dwar il-futur tal-bonds tal-proġetti għall-perjodu 2016-2020 qabel ma' titnieda kompletament il-fażi pilota tal-PBI attwali;

Naġġornaw id-dimensjoni esterna tal-interventi tal-BEI

54.

Jilqa' l-mandat imġedded tal-BEI għal self estern għall-2014-2020, li jipprovdi garanzija tal-UE li tkopri l-operazzjonijiet esterni tal-BEI sa massimu ta' EUR 30 biljun, kif ukoll l-għanijiet ewlenin tiegħu, jiġifieri l-iżvilupp tas-settur privat lokali, l-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali u ekonomika, u l-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima;

55.

Jistieden lill-BEI jagħti attenzjoni lill-pajjiżi terzi u lir-reġjuni barra l-UE li jsofru minn kunflitti u faqar estrem, bl-għan ewlieni jkun li tnaqqas id-diskrepanza fl-iżvilupp bejn l-UE u dawn ir-reġjuni, kif ukoll biex jikkontribwixxu għal programmi ta' appoġġ għall-SMEs f'pajjiżi msieħba kummerċjali, inkluż permezz ta' finanzjament suffiċjenti għall-Faċilità ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) għall-SMEs, b'enfasi speċjali fuq in-Nofsinhar tal-Mediterran u l-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew tal-Lvant; jistieden lill-BEI jaħdem flimkien mal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (AfDB) biex jiffinanzja investimenti fit-tul fis-servizz tal-iżvilupp ekonomiku; jilqa' l-fatt li l-għotjiet tal-UE qed jitħalltu dejjem aktar mas-self tal-BEI biex jinkisbu riżultati aħjar fil-proġetti fil-pajjiżi sħab tal-UE;

56.

Iħeġġeġ lill-BEI jkompli jippromwovi b'mod attiv it-tkabbir sostenibbli kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm f'dawk li qed jiżviluppaw sabiex jappoġġa l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja; jenfasizza li l-BEI, bħala d-driegħ finanzjarju tal-Unjoni, għandu jiżvolġi l-parti tiegħu fit-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jitlob li l-aġenda għall-iżvilupp ta' wara l-2015 għandha tingħata attenzjoni speċjali fir-rieżami tal-mandat ta' nofs it-terminu ta' self estern tal-BEI fl-2016;

57.

Ifakkar li l-Bank Ewropew tal-Investiment huwa l-akbar finanzjatur barrani fit-Turkija u li wara l-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni fl-2004, il-BEI żied l-operazzjonijiet ta' self tiegħu lil dak il-pajjiż, u f'dawn l-aħħar għaxar snin saru disponibbli madwar EUR 23 biljun; jiddispjaċih li minkejja l-kriżi ekonomika persistenti fl-UE, it-Turkija attwalment tinsab fl-ewwel post fost il-pajjiżi riċevituri tal-BEI barra l-UE, b'madwar 3,5 % tas-self totali tal-BEI (2015); jappella għal kundizzjonalità akbar għall-finanzjament marbut mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni;

58.

Iħeġġeġ lill-Bank jiżviluppa u jadotta l-approċċ komprensiv meħtieġ b'rispons għall-isfidi serji kkawżati mill-fluss ta' migranti lejn l-Ewropa, inklużi operazzjonijiet imsaħħa fil-pajjiżi ta' oriġini ta' tali flussi kif ukoll f'pajjiżi li jmissu direttament mal-pajjiżi ta' oriġini;

59.

Jistieden f'dan il-kuntest lill-BEI jiffoka l-attivitajiet tiegħu fuq l-għoti ta' appoġġ lill-bżonnijiet ta' investiment f'infrastruttura urbana, infrastruttura marbuta mas-saħħa, l-edukazzjoni u dik soċjali, biex b'hekk jiġu stimulati attivitajiet ekonomiċi li joħolqu opportunitajiet ġodda ta' xogħol u tiġi promossa l-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi;

60.

Jindika li l-BEI huwa attur importanti biex jippromwovi l-prijoritajiet u l-objettivi tal-politika barranija tal-UE; jirrakkomanda koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa bejn il-BEI u s-servizzi u l-istrumenti tal-politika esterna tal-UE; jitlob li jitkomplew u jitjiebu l-valutazzjonijiet ex-anteex-post tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-proġetti li jkunu appoġġati mill-BEI fir-rigward tal-għanijiet tas-SEAE u l-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 21 TUE u l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob, fir-rigward ta' investimenti barra mill-UE, għal rapport dettaljat dwar kwalunkwe telf possibbli u dwar kif u f'liema każijiet intuża l-istrument ta' garanzija; jilqa' l-fatt li l-BEI kellu sensiela ta' seminars dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem;

61.

Jistieden lill-BEI jipprovdi lill-Parlament u lill-pubbliku b'informazzjoni dettaljata dwar il-finanzjament tal-BEI u l-prestazzjoni tal-Ombudsman tan-Negozju fl-Ukraina;

62.

Jilqa' b'sodisfazzjon is-soluzzjoni misjuba flimkien mal-Bank Dinji li tippermetti lill-BEI jikkontribwixxi biex jiffaċilita x-xiri tal-gass tal-Ukraina;

63.

Jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-mandat estern tal-BEI qabel ir-rieżami ta' nofs it-terminu, filwaqt li jittieħed kont tal-attivazzjoni potenzjali ta' EUR 3 biljun addizzjonali; jikkonferma l-impenn tiegħu li jeżamina mill-qrib l-ewwel ''rapporti dwar it-tlestija tal-proġetti'' li għandhom jiġu ppubblikati taħt il-mandat ta' self estern għall-perjodu 2014-2020; jitlob li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tipproduċi rapport speċjali dwar il-prestazzjoni u l-allinjament mal-politiki tal-UE tal-attivitajiet ta' self estern tal-BEI;

Insaħħu l-governanza, it-trasparenza u l-qafas ta' kontroll tal-BEI

64.

Jilqa' l-fatt li l-BEI huwa kkaratterizzat minn assi b'saħħithom, bir-rata ta' self li ma jrendix lura l-valur kollu (impaired loans) qrib iż-0 % (0,2 %) tal-portafoll totali tas-self, u ġestjoni prudenti tal-likwidità; iqis li hu essenzjali li l-BEI jżomm il-klassifikazzjoni AAA tiegħu tal-kreditu biex jippreserva l-aċċess tiegħu għas-swieq kapitali internazzjonali taħt l-aħjar kundizzjonijiet ta' finanzjament;

65.

Jissuġġerixxi li l-BEI jsaħħaħ il-kapaċitajiet analitiċi settorjali tiegħu u jippubblika data statistika aggregata, kif ukoll informazzjoni dwar proġetti sekondarji, biex b'hekk jiffaċilita approċċ immirat għal ċerti setturi jew tipi ta' SMEs; jenfasizza l-ħtieġa li fir-rapporti annwali tal-BEI tiġi inkluża analiżi iktar komprensiva u dettaljata tal-ħtiġijiet ta' investiment skont is-settur fl-UE, u dan sabiex ikun jista' jiġi identifikat kwalunkwe qasam li fih l-investiment huwa anqas minn dak li huwa meħtieġ għat-twettiq tal-prijoritajiet tal-UE; jemmen li l-BEI għandu jevalwa l-kapaċità tal-istrumenti ta' investiment tiegħu li jirrimedjaw tali nuqqasijiet;

66.

Jissottolinja l-importanza li l-BEI ta lill-politika tiegħu ta' tolleranza żero għall-frodi, il-korruzzjoni u l-kollużjoni u lill-impenn tiegħu lejn integrità u regoli etiċi qawwija; jilqa' f'dan il-kuntest l-approvazzjoni min-naħa tal-Bord tal-BEI ta' politika aġġornata kontra l-frodi r-Rapport Annwali 2014 tal-Grupp tal-BEI dwar l-Attivitajiet Kontra l-Frodi; jistenna li l-BEI jwaqqaf aktar l-iżborżamenti tas-self għall-proġetti li attwalment jinsabu taħt investigazzjonijiet nazzjonali jew Ewropej ta' korruzzjoni;

67.

Jilqa' l-adozzjoni ta' qafas rivedut tal-Grupp tal-BEI Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Ġlieda Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu (AML-CFT) f'Lulju 2014; iħeġġeġ lill-BEI jkompli d-djalogu mas-soċjetà ċivili dwar it-titjib fil-politika tiegħu dwar il-ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi (NCJ); jistieden lill-BEI jistabbilixxi politika ġdida dwar tassazzjoni responsabbli, filwaqt li jibda bir-rieżami tal-politika NCJ tiegħu fl-2016; jistieden lill-BEI biex jagħmel kemm il-finanzjament dirett kif ukoll il-finanzjament permezz ta' intermedjarji dipendenti fuq l-iżvelar ta' data rilevanti għat-taxxa skont il-pajjiż fuq il-linji tad-dispożizzjoni tas-CRD IV għall-istituzzjonijiet ta' kreditu, kif ukoll fuq informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja;

68.

Jistieden lill-BEI, fil-kuntest ta' valutazzjonijiet ex-ante ta' impriżi li huma s-suġġett ta' investigazzjonijiet ġudizzjarji, biex jaġġorna l-politiki tiegħu kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

69.

Jieħu nota tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-politika għat-trasparenza tal-BEI fl-2014; jinsisti dwar il-ħtieġa li jinkisbu l-ogħla livelli ta' trasparenza u responsabbiltà istituzzjonali billi jkun żgurat żvelar pubbliku proattiv ta' informazzjoni baġitarja komprensiva u soda u aċċess għal data finanzjarja relatata ma' proġetti ffinanzjati mill-BEI;

70.

Jitlob li jkun hemm trasparenza u esponiment massimi fir-rigward tas-sistema ta' kuntratti u sottokuntratti, u li l-Parlament Ewropew jingħata aċċess għal informazzjoni u dokumentazzjoni finanzjarja f'kull każ;

71.

Iħeġġeġ lill-BEI jsegwi strettament ir-rekwiżiti relatati mar-reġistru pubbliku ta' dokumenti ambjentali taħt ir-Regolament Aarhus (Regolament (KE) Nru 1367/2006), u biex ikompli bir-rappurtar regolari tiegħu dwar l-attivitajiet ta' self tiegħu barra l-UE skont l-istandards tal-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna (IATI);

72.

Itenni li l-BEI għandu jsaħħaħ l-attivitajiet ta' diliġenza dovuta tiegħu sabiex itejjeb il-kwalità tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarji aħħarija u jevita b'aktar effikaċja tranżazzjonijiet ma' intermedjarji finanzjarji li għandhom rekord negattiv f'termini ta' trasparenza, frodi, korruzzjoni, kriminalità organizzata, ħasil tal-flus u impatti ambjentali u soċjali negattivi jew li huma rreġistrati f'ċentri finanzjarji offshore jew f'rifuġji fiskali li jirrikorru għal ippjanar aggressiv tat-taxxa; jistieden lill-BEI ma jużax l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti biex jiġu ffinanzjati attivitajiet infiltrati mill-kriminalità organizzata; jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa li tiġi stabbilita lista pubblika stretta ta' kriterji għall-għażla ta' intermedjarji finanzjarji mill-BEI, flimkien mal-Kummissjoni;

73.

Jistieden lill-BEI jiżviluppa regoli aktar stretti fuq il-kunflitti ta' interess u kriterji ċari, stretti u trasparenti għas-sħubiji pubbliċi-privati li jirċievu finanzjament, sabiex jiġi żgurat li mhux biss il-parti tal-investiment tal-proġetti tiġi kondiviża b'mod ġust bejn iż-żewġ sħab pubbliċi u privati iżda anke r-riskji involuti fl-investimenti, biex b'hekk jiġi salvagwardjat l-interess pubbliku; jistieden lill-BEI jsaħħaħ il-bażi ta' għarfien għall-parteċipazzjoni tal-gvernijiet, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet fi strutturi ta' sħubija pubblika-privata, inkluż billi jipprovdilhom linji gwida;

74.

Jistieden lill-BEI jiżgura li l-kumpaniji li jipparteċipaw fi proġetti kofinanzjati mill-BEI jkunu obbligati jżommu mal-prinċipju ta' pagi ugwali u trasparenza tal-pagi u l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn is-sessi kif stipulat fid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol; jirrimarka, barra minn hekk, li meta jiddeċiedi dwar liema proġetti se jiffinanzja, il-BEI għandu jqis il-miżuri ta' responsabbiltà soċjali korporattiva meħuda minn kumpaniji kandidati;

75.

Jemmen li jistgħu jkunu utli aġġornamenti regolari dwar l-ispejjeż u l-miżati ta' ġestjoni mġarrba mill-BEI u dwar l-impatt ta' proġetti ffinanzjati għal dak li jirrigwarda l-impjiegi u l-valur ekonomiku miżjud;

76.

Jirrakkomanda l-pubblikazzjoni fuq il-websajt tal-BEI ta' dokumenti mhux kunfidenzjali bħall-Pjanijiet Operazzjonali Korporattivi għas-snin preċedenti, il-ftehimiet interistituzzjonali u l-memoranda, u ftehimiet rilevanti oħra, kif ukoll l-iżvelar tal-minuti tal-laqgħat ta' korpi ta' tmexxija tal-BEI fuq bażi regolari, li tibda f'Jannar 2016; iqis li aċċess pubbliku aħjar għad-dokumenti huwa element ewlieni tat-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-integrità tal-istituzzjonijiet;

77.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-proċess ta' rieżami tal-politika dwar il-Mekkaniżmu għat-Trattament tal-Ilmenti tal-BEI, li tnieda f'Settembru 2015, u l-konsultazzjoni pubblika li nfetħet għall-partijiet interessati rilevanti; jistenna li r-reviżjoni li għaddejja tal-Mekkaniżmu għat-Trattament tal-Ilmenti se ttejjeb l-indipendenza u l-effikaċja tiegħu u tikkontribwixxi wkoll għal aktar effikaċja u effiċjenza tal-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu għat-Trattament tal-Ilmenti; jistieden lill-Kumitat ta' Tmexxija tal-BEI jadotta r-rakkomandazzjonijiet ta' dak l-uffiċċju u jaġixxi fuq l-opinjonijiet tal-Ombudsman Ewropew; jitlob fluss kostanti ta' informazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu għat-Trattament tal-Ilmenti tal-BEI u l-Bord tad-Diretturi tal-BEI; jemmen li hemm bżonn li jiġi aġġornat il-Memorandum ta' Qbil bejn il-BEI u l-Ombudsman Ewropew sabiex l-Ombudsman jeżerċita skrutinju estern tal-BEI b'mod aktar attiv u jtejjeb il-proċeduri ta' monitoraġġ u responsabbiltà ulterjuri tal-BEI;

78.

Jilqa' r-rapporti annwali għas-sena finanzjarja 2014 tal-Kumitat ta' Awditjar tal-BEI, u jħeġġeġ lill-korpi responsabbli tal-BEI jiżguraw konformità sħiħa mal-aħjar prattiki bankarji prudenzjali fl-oqsma fejn ma nkisbitx konformità sħiħa fl-2014; jieħu nota tal-intenzjoni tal-maniġment tal-BEI li jorganizza mill-ġdid il-funzjonijiet ta' kontroll tal-Bank; jappoġġa t-talba tal-Kumitat tal-Awditjar għal pjan ta' implimentazzjoni rispettiv kif ukoll l-intenzjoni tiegħu li jimmonitorja bir-reqqa żviluppi ulterjuri; japprova l-fatt li l-Kumitat tal-Awditjar wissa lill-maniġment u s-servizzi tal-BEI li dan għandu jżomm il-kapaċità tiegħu filwaqt li ma jdgħajjifx il-Qafas ta' Kontroll Intern attwali;

79.

Iqis li r-rapporti annwali tal-BEI għandhom jagħtu attenzjoni akbar lir-riżultati tal-proġetti li tlestew; jistieden f'dan il-kuntest lill-BEI biex flimkien mas-sħab tal-proġett, jipproduċi sett ta' riżultati minn kull proġett komplut li jevalwa l-effettività tal-finanzjament tal-BEI;

80.

Jieħu nota tad-data ta' skadenza tas-27 ta' Ottubru 2015 tal-Ftehim Tripartitiku msemmi fl-Artikolu 287(3) tat-TFUE u li jirregola l-kooperazzjoni bejn il-BEI, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-metodi għall-kontrolli eżerċitati mill-Qorti dwar l-attività tal-BEI fl-immaniġġjar tal-fondi tal-Unjoni u tal-Istati Membri; jistieden lit-tliet istituzzjonijiet jikkooperaw fil-proċess ta' tiġdid u aġġornament ta' dan il-ftehim, u jiżguraw li l-ftehim imġedded ikopri kull strument jew inizjattiva ġdida tal-BEI li tinvolvi fondi pubbliċi mill-UE jew mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp; jitlob f'dan il-kuntest li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tingħata setgħat imsaħħa sabiex tevalwa u tirrapporta b'aktar reqqa fuq il-prattiki ta' self tal-BEI, l-istrumenti u l-inizjattivi meta jkunu direttament relatati mal-użu l-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-UE;

Lejn responsabbiltà parlamentari komprensiva

81.

Iqis li l-kumplessità li qed tevolvi u l-volum li qed jiżdied tal-attivitajiet tal-BEI, kif ukoll l-inċertezzi li għad hemm fis-swieq finanzjarji, jenfasizzaw iżjed il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet biex tiġi stabbilita superviżjoni bankarja prudenzjali effikaċi tal-BEI; jiddispjaċih għalhekk li l-proposti tal-Parlament, imressqa qabel, għall-introduzzjoni ta' superviżjoni prudenzjali regolatorja esterna ma ttiħdux inkunsiderazzjoni, la mill-Kummissjoni u lanqas mill-BEI;

82.

Jinkoraġġixxi l-isforzi li qed isiru mill-partijiet involuti biex ifasslu ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-BEI, li jipprevedi kooperazzjoni msaħħa bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; jitlob ukoll djalogu strutturat regolari bejn il-President tal-BEI u l-Parlament Ewropew biex jiżgura li tiżdied is-sorveljanza parlamentari tal-attivitajiet tal-BEI; jistieden barra minn hekk lill-BEI biex, bħala parti minn dan il-ftehim interistituzzjonali, jaqbel li jiffirma ftehim mal-Parlament sabiex jippermetti lill-Membri tal-Parlament Ewropew jistaqsu mistoqsijiet diretti lill-President tiegħu, bi ftehim dwar iż-żmien sakemm għandha tingħata tweġiba, kif diġà jiġri mal-President tal-BĊE;

o

o o

83.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2014)0201.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2015)0183.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2014)0161.

(4)  ĠU L 169, 01.07.2015, p. 1.


21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/17


P8_TA(2016)0201

L-attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali (2016/2662(RSP))

(2018/C 066/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u strumenti ġuridiċi oħra fil-qasam tad-dritt umanitarju internazzjonali,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10-11 ta' Diċembru 2015 dwar il-proċess preparatorju tas-Summit Umanitarju Dinji,

wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-8 ta' Diċembru 2009 dwar il-Promozzjoni ta' Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida aġġornati tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali (1),

wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Sħubija (kif approvati mill-Pjattaforma Umanitarja Globali) tat-12 ta' Lulju 2007,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Summit Umanitarju Dinji, intitolat “One humanity, shared responsibility” (“Umanità waħda, responsabilità kondiviża”), tat-2 ta' Frar 2016,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1998 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, adottata fit-12 ta' Lulju 2011, u r-Riżoluzzjoni 2143, adottata fis-7 ta' Marzu 2014, li jindirizzaw il-protezzjoni tat-tfal milquta minn kunflitti armati,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 64/290 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Lulju 2010 dwar id-dritt għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (2), tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil sistematiku tal-massa ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa ISIS/Daesh (3), tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-edukazzjoni għal tfal f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet protratti (4), tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati (5), u tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja (6),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1502(2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza kontra l-ħaddiema umanitarji, u r-Riżoluzzjoni 2175(2014) dwar il-protezzjoni ta' persuni ċivili f'kunflitti armati,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri ta' Mejju 2015, li ġiet diskussa biex tiġi approvata waqt il-Konferenza ta' Oslo dwar Skejjel Sikuri kif organizzata mill-Ministeru Norveġiż għall-Affarijiet Barranin f'Mejju 2015, u l-Linji Gwida relatati għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u tal-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitti Armati,

wara li kkunsidra n-Nota ta' Gwida dwar attakki fuq skejjel u sptarijiet, biex tassisti lil dawk kollha involuti fil-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-promozzjoni, li tnediet fil-21 ta' Mejju 2014 mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitti Armati,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata fl-10 ta' Diċembru 2015 mit-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar dwar it-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC) dwar il-proġett Kura tas-Saħħa fil-Periklu u r-rapport tiegħu dwar il-vjolenza kontra l-faċilitajiet u l-persunal tal-kura tas-saħħa,

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi f'dawn l-aħħar snin il-komunità internazzjonali osservat xejra terribbli ta' attakki fuq sptarijiet u skejjel f'kunflitti armati madwar id-dinja, bħall-attakki reċenti fuq iċ-ċentri tas-saħħa ta' Doctors Without Borders (MSF) f'Kunduz (l-Afganistan) fit-3 ta' Ottubru 2015, f'Razah (il-Jemen) fl-10 ta' Jannar 2016, u f'numru ta' bliet Sirjani matul il-kunflitt attwali; billi kien hemm żieda bla preċedent fiċ-ċaħda ta' għajnuna u aċċess umanitarji, fl-eżekuzzjoni ta' persuni ċivili u persunal umanitarju, fid-detenzjoni f’kundizzjonijiet diffiċli, u f'każijiet fejn ċivili jintużaw bħala ostaġġi jew jiġu mġiegħla fl-iskjavitù; billi l-bżonnijiet u l-isfidi li qed jiżdiedu, in-nuqqas ta' impenji sostnuti u ż-żieda fl-ispiża tal-assistenza umanitarja kkontribwew biex is-sistema umanitarja attwali tilħaq il-limiti tagħha, u billi dan ġiegħel lil għadd ta' organizzazzjonijiet jissospendu b'mod temporanju l-għajnuna alimentari, il-kenn u operazzjonijiet umanitarji oħra li jsalvaw ħajjet in-nies;

B.

billi l-ewwel Summit Umanitarju Dinji se jsir f'Istanbul bejn it-23 u l-24 ta' Mejju 2016; billi, fir-rapport tiegħu għas-Summit Umanitarju Dinji intitolat “Umanità waħda, responsabilità kondiviża”, is-Segretarju Ġenerali tan-NU jiġbed l-attenzjoni għal dak li jsejjaħ “l-erożjoni sfaċċata u brutali tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali” f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat, li qed thedded li tikkawża ritorn għal era ta' gwerra mingħajr rażan; billi r-rapport jinnota li min jonqos li jesiġi u jippromwovi r-rispett għal dawn in-normi kif ukoll li jappoġġja l-mekkaniżmi eżistenti ta' infurzar, monitoraġġ u responsabilità jikkontribwixxi għal din l-erożjoni;

C.

billi d-dritt umanitarju internazzjonali, magħruf ukoll bħala d-Dritt dwar il-Kunflitti Armati, huwa maħsub biex itaffi l-effetti ta' kunflitt armat billi jipproteġi lil dawk li ma jkunux qegħdin jieħdu sehem fil-kunflitt u billi jirregola l-mezzi u l-metodi ta' kif issir gwerra;

D.

billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għandu rwol ċar fl-iżgurar tar-rispett għad-dritt internazzjonali rilevanti għall-protezzjoni tal-ħaddiema umanitarji kollha;

E.

billi jeħtieġ li tissaħħaħ il-protezzjoni għall-ħaddiema umanitarji mingħajr distinzjoni f’arranġamenti ta' sigurtà bejn persunal internazzjonali u lokali;

F.

billi d-dehra dejjem akbar ta' atturi u gruppi terroristiċi mhux statali, u entitajiet oħra f’kunflitti armati qed toħloq sfidi għall-applikazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-partijiet kollha f'kunflitt, inklużi partijiet armati statali u mhux statali, jeħtiġilhom jiggarantixxu lill-atturi umanitarji l-aċċess neċessarju biex jgħinu lill-popolazzjonijiet ċivili vulnerabbli u milquta minn kunflitti;

G.

billi l-prinċipji umanitarji ta' umanità, newtralità, imparzjalità u indipendenza, u r-regoli bażiċi tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem previsti fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli addizzjonali għalihom, iridu jkunu fil-qalba tal-azzjonijiet umanitarji kollha; billi l-protezzjoni tal-persuni spostati trid tiġi ggarantita, u billi l-indipendenza tal-għajnuna trid tipprevali;

H.

billi l-isptarijiet u l-persunal mediku huma protetti b'mod espliċitu fil-qafas tad-dritt umanitarju internazzjonali u billi kwalunkwe attakk intenzjonat kontra persuni u infrastruttura ċivili hu pprojbit b'mod ċar u kkunsidrat bħala ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali;

I.

billi l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jiddefinixxi l-attakki kontra l-ħaddiema umanitarji bħala delitt tal-gwerra; billi huwa jenfasizza wkoll li attakki intenzjonati fuq bini ddedikat għar-reliġjon, l-edukazzjoni, l-arti, għal skopijiet ta' xjenza jew ta' karità, jew il-monumenti storiċi, jikkostitwixxu delitt tal-gwerra;

J.

billi l-bini u l-assi tan-NU, inklużi skejjel u ċentri tas-saħħa, huma invjolabbli u protetti skont il-Konvenzjoni tal-1946 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti;

K.

billi l-ICRC reġa' ddikjara li l-obbligu li jiġu investigati każijiet suspettati ta' delitti tal-gwerra huwa regola tad-dritt umanitarju internazzjonali konswetudinarju applikabbli kemm għal kunflitti armati internazzjonali kif ukoll mhux internazzjonali;

L.

billi xi gruppi armati jopponu l-edukazzjoni sekulari u dik tal-bniet, jew li l-bniet jiġu ttrattati minn persunal mediku tas-sess maskil, u għalhekk dan jostakola l-aċċess għal dawn is-servizzi; billi klima ġenerali ta' nuqqas ta' sigurtà minħabba kunflitt tipprevjeni wkoll lit-tfal, lill-għalliema u lill-persunal mediku milli jattendu l-iskola jew ifittxu assistenza medika; billi n-nisa u t-tfal jiffaċċaw riskji aktar akuti minħabba l-ispostament u minħabba l-kollass tal-istrutturi normali ta' protezzjoni u appoġġ; billi d-dritt umanitarju internazzjonali jirrikjedi li l-kura medika kollha meħtieġa tiġi pprovduta mingħajr diskriminazzjoni lill-bniet u n-nisa stuprati fil-gwerra; billi l-abort mhux sikur huwa elenkat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bħala waħda mit-tliet kawżi ewlenin ta' mewt marbuta mal-maternità; billi s-saħħa materna, l-assistenza psikoloġika għan-nisa vittmi ta' stupru, u l-edukazzjoni u t-tagħlim tat-tfal spostati huma sfidi kbar fil-kampijiet tar-rifuġjati;

M.

billi, sal-14 ta' Marzu 2016, 52 stat, inklużi diversi Stati Membri tal-UE, għalkemm mhux kollha kemm huma, approvaw id-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri b'segwitu għall-Konferenza ta' Oslo dwar Skejjel Sikuri li saret f'Mejju 2015;

N.

billi meta adotta l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali (minn hawn 'il quddiem, il-“Linji Gwida tal-UE”), il-Kunsill Affarijiet Barranin enfasizza l-importanza li l-effetti ta' ksur serju jiġu indirizzati b'mod effikaċi permezz ta' appoġġ għal mekkaniżmi ta' responsabilità adegwati, u ssottolinja r-rwol importanti li tista' tiżvolġi l-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-każijiet fejn l-istat jew l-istati kkonċernati ma jkunux jistgħu jew ma jkunux jixtiequ jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom; billi l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw lill-“gruppi ta' ħidma xierqa tal-Kunsill” biex jimmonitorjaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li japplika d-dritt umanitarju internazzjonali u, fit-tali każijiet, biex jirrakkomandaw azzjoni għall-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (paragrafu 15(a));

O.

billi, bejn l-2012 u l-2015, l-ICRC organizza proċess ta' konsultazzjoni importanti dwar kif tista' tissaħħaħ il-protezzjoni ġuridika għall-vittmi ta' kunflitti armati u kif tista' tissaħħaħ l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta' konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

P.

billi l-Linji Gwida tal-UE jirreferu għal għadd ta' mezzi ta' azzjoni differenti għad-dispożizzjoni tal-UE fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi f'dan ir-rigward, inkluż id-djalogu politiku, dikjarazzjonijiet pubbliċi ġenerali, miżuri restrittivi, kooperazzjoni ma' korpi internazzjonali oħra, operazzjonijiet għall-immaniġġjar ta' kriżijiet, responsabilità individwali, taħriġ u kontroll tal-esportazzjoni ta' armi;

Q.

billi l-istati li ħadu sehem fit-32 Konferenza Internazzjonali tal-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar f'Diċembru 2015 finalment ma setgħux jaqblu dwar mekkaniżmu ġdid propost mill-ICRC u mill-Gvern tal-Iżvizzera għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-istati parteċipanti qablu li jniedu proċess intergovernattiv ġdid biex isibu modi kif isaħħu l-implimentazzjoni tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali bil-għan li l-eżitu tiegħu jiġi ppreżentat fil-Konferenza Internazzjonali li jmiss fl-2019;

R.

billi l-kapitolu tal-għajnuna umanitarja tal-UE, li ammonta għal EUR 909 miljun fl-2015, jirrappreżenta anqas minn 1 % tal-baġit totali tal-UE; billi t-titjib tar-rabta bejn l-għajnuna u l-assistenza fit-tul huwa mod wieħed kif titnaqqas id-diskrepanza attwali bejn il-ħtiġijiet umanitarji enormi u r-riżorsi disponibbli;

1.

Jafferma mill-ġdid il-kontribut fundamentali tad-dritt umanitarju internazzjonali għall-istorja moderna tal-umanità u jistieden lill-istati membri kollha tan-NU jaħtfu l-opportunità tas-Summit Umanitarju Dinji (WHS) biex jaffermaw mill-ġdid iċ-ċentralità tad-dritt umanitarju internazzjonali u l-ħarsien li dan joffri;

2.

Jesprimi dispjaċir profond dwar in-nuqqas ta' rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali, u jesprimi l-ħasda u t-tħassib serju tiegħu rigward l-attakki fatali kontra sptarijiet, skejjel u persuni ċivili oħra fil-mira li qed iseħħu b'rata dejjem iżjed allarmanti f'kunflitti armati madwar id-dinja, fejn pazjenti, studenti, persunal mediku u għalliema, ħaddiema fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, tfal u qraba qed isiru bersalli u vittmi; jesprimi fehmtu li l-kundanni internazzjonali jridu jkunu segwiti minn investigazzjonijiet indipendenti u minn responsabilità ġenwina; jistieden lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) biex jagħrfu l-portata reali ta' din l-emerġenza u jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom ħalli jindirizzaw din il-kwistjoni;

3.

Jikkundanna l-attakki fuq sptarijiet u skejjel, li huma pprojbiti taħt id-dritt internazzjonali, filwaqt li jirrikonoxxi li l-atti ta' dan it-tip jistgħu jikkostitwixxu ksur serju tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u delitti tal-gwerra taħt l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-preżervazzjoni tal-faċilitajiet tas-saħħa u edukattivi bħala spazji newtrali u protetti waqt sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat trid tkun żgurata b'investigazzjonijiet trasparenti, indipendenti u imparzjali dwar l-attakki brutali li seħħew, u billi l-partijiet kollha involuti jassumu r-responsabilità ġenwina għar-reati kommessi; jisħaq fuq l-importanza li tinżamm id-distinzjoni bejn l-atturi umanitarji u dawk militari u l-ħtieġa li l-azzjoni umanitarja ma tinużax biex jintlaħqu finijiet politiċi jew militari, għax dan jimmina u jipperikola l-operazzjonijiet umanitarji ġenwini u l-persunal tagħhom;

4.

Jikkundanna l-użu ta' sptarijiet u skejjel minn partijiet f'kunflitti armati, li effettivament ibiddluhom f'bersalli għal attakki; ifakkar li dawk li jużaw lil persuni jew proprejtajiet li jkunu protetti bħala tarki umani jew bħala camouflage ikunu wkoll ħatja ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;

5.

Jappella biex il-partijiet li qegħdin f'kunflitti jirrispettaw il-prinċipji bażiċi tad-dritt umanitarju internazzjonali u jżommu lura milli jattakkaw deliberatament infrastrutturi ċivili; jisħaq fuq l-importanza li tittejjeb is-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji sabiex ir-reazzjoni għall-attakki tkun aktar effikaċi; jitlob għalhekk li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappellaw lin-NU u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jiggarantixxu l-protezzjoni kemm tal-ħaddiema umanitarji lokali kif ukoll ta' dawk internazzjonali;

6.

Ifaħħar il-kuraġġ u d-dedikazzjoni ammirevoli tal-persunal mediku, tal-istaff tal-għalliema u tal-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja, internazzjonali u lokali, li joperaw fiż-żoni ta' kunflitt;

7.

Jenfasizza li l-jedd għas-saħħa hu jedd tal-bniedem, u jitlob lill-partijiet kollha involuti f'kunflitti armati biex jiggarantixxu d-disponibilità, l-aċċessibilità, l-aċċettabilità u l-kwalità tas-servizzi mediċi matul kunflitti armati; jappella għal impenn globali sabiex jiġi żgurat li n-nisa u l-bniet ikunu sikuri sa mill-bidu ta' kull emerġenza jew kriżi billi jiġi indirizzat ir-riskju ta' vjolenza sesswali u sessista, billi titqajjem kuxjenza, billi jittieħdu passi biex min iwettaq vjolenza ta' dan it-tip jiġi mħarrek, u billi jiġi żgurat li, fi kriżijiet umanitarji, in-nisa u l-bniet ikollhom aċċess għall-firxa sħiħa ta' servizzi fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi aborti sikuri, minflok ma jiġi pperpetwat dak li effettivament hu trattament inuman, kif rikjest mid-dritt umanitarju internazzjonali u kif previst fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom;

8.

Jenfasizza li, biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-effikaċja u l-lakuni tal-finanzjament umanitarju, hemm bżonn aktar kumplementarjetà bejn l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna tal-iżvilupp, u li dawn għandhom jimxu id f'id ma' żieda fl-għajnuna għall-iżvilupp u fil-finanzjament umanitarju; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lid-donaturi internazzjonali oħrajn biex, matul id-WHS, jikkommettu ruħhom bis-sħiħ għall-Impenji Ewlenin kollha proposti inklużi fl-Aġenda għall-Umanità, li tfittex li tnaqqas l-impatt umanitarju tal-ostilitajiet u tippermetti azzjoni umanitarja;

9.

Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jħeġġu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex juża l-għodod disponibbli kollha, bħalma huma l-użu ta' miżuri mmirati, it-twaqqif ta' missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni u kummissjonijiet ta' inkjesta, u l-mekkaniżmi ġudizzjarji bħal tressiq quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali; jitlob li s-setgħa ta' veto ma tintużax f’deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar kwistjonijiet marbuta ma' azzjoni umanitarja, li r-rispett għan-normi tad-dritt internazzjonali li jipprevedu l-protezzjoni tal-ħaddiema umanitarji jittejbu, li l-atti li jistgħu jikkostitwixxu ksur ta' dawk in-normi jiġu investigati b’mod sistematiku, u li dawk li jkunu suspettati li huma responsabbli għal atti bħal dawn jittellgħu l-qorti;

10.

Jiddeplora l-fatt li numru ta' sħab tal-UE u tal-Istati Membri tagħha huma involuti f'atti ta' ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali; jitlob li l-UE tisfrutta l-għodod bilaterali kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tippromwovi b'mod effikaċi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali min-naħa ta' sħabha, inkluż permezz tad-djalogu politiku tagħha u, fil-każ li dan id-djalogu ma jagħti l-ebda riżultat, tikkunsidra miżuri oħra skont il-Linji Gwida tal-UE;

11.

Jistieden lir-RGħ/VP tvara inizjattiva mmirata biex l-UE timponi embargo tal-armi kontra l-pajjiżi li jiġu akkużati bi ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali, partikolarment fir-rigward tat-tqegħid fil-mira intenzjonat ta' infrastruttura ċivili; jenfasizza l-fatt li l-għoti kontinwu ta' liċenzji għall-bejgħ ta' armi lil dawn il-pajjiżi jirrappreżenta ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 (7);

12.

Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin u lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni biex jitolbu li l-Kapijiet ta' Missjoni tal-UE, u r-rappreżentanti xierqa tal-UE (Kapijiet tal-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE, Kmandanti tal-Operazzjonijiet Militari tal-UE u Rappreżentanti Speċjali tal-UE) jirrappurtaw każijiet ta' ksur serju tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali;

13.

Jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw bis-sħiħ l-appell tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex l-istati membri kollha tan-NU jaħtfu l-opportunità tad-WHS ħalli jerġgħu jimpenjaw ruħhom favur il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-iżgurar tal-jeddijiet tal-bniedem ta' kulħadd billi jirrispettaw, jimplimentaw u jippromwovu r-regoli li diġà qablu dwarhom; jenfasizza l-importanza attribwita mis-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-tisħiħ tas-sistemi investigattivi u ġudizzjarji internazzjonali, inkluża l-Qorti Kriminali Internazzjonali, sabiex jikkomplementaw l-oqfsa nazzjonali, b'mod li jtemmu l-impunità fir-rigward tal-ksur tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali;

14.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali, peress li l-ebda stat jew organizzazzjoni oħra ma adottaw dokument ekwivalenti; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw dawn il-Linji Gwida b'mod effikaċi;

15.

Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli biex jiżguraw li l-politiki u l-azzjonijiet tal-UE relatati mad-dritt umanitarju internazzjonali jiġu żviluppati b'mod koerenti u effikaċi, u li l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar id-Dritt Umanitarju Internazzjonali jaqa' prinċipalment taħt ir-responsabilità tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Dritt Internazzjonali Pubbliku, li hu ppresedut mill-Presidenza tal-Kunsill; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw lill-“gruppi ta' ħidma xierqa tal-Kunsill” li jissorveljaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li japplika d-dritt umanitarju internazzjonali u, f'tali każijiet, li jirrakkomandaw azzjoni għall-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jipprovdu rappurtar aktar dettaljat dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt speċifiċi, notevolment fir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

16.

Ifakkar fil-pożizzjoni li ttieħdet fil-Linji Gwida tal-UE li, fejn ikun xieraq, se jiġi kkunsidrat ukoll li jintużaw is-servizzi tal-Kummissjoni Internazzjonali Umanitarja ta' Tiftix tal-Fatti (IHFFC) stabbilita skont il-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949, li jistgħu jgħinu fil-promozzjoni tar-rispett għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali permezz tal-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-fatti u l-funzjoni tagħha ta' medjazzjoni; jinnota li s-servizzi tal-IHFFC ma ntużawx u jistieden lill-partijiet kollha involuti biex jikkunsidraw li jattivawha; jistieden lill-Istati Membri kollha biex jirrikonoxxu l-kompetenza tal-IHFFC;

17.

Jitlob spazju istituzzjonali mtejjeb għall-komunità internazzjonali biex tindirizza kwistjonijiet komuni relatat mal-implimentazzjoni tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali; jilqa' l-pleġġ tal-UE u l-Istati Membri tagħha lill-ICRC li jappoġġjaw bis-sħiħ l-istabbiliment ta' mekkaniżmu effikaċi għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, iżda jistieden lir-RGħ/VP tirrapporta lill-Parlament dwar l-objettivi u l-istrateġija tagħha rigward it-twettiq ta' dan il-pleġġ fil-proċess intergovernattiv li jmiss, sabiex issib modi biex issaħħaħ l-implimentazzjoni tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali kif miftiehem fit-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar l-Aħmar f’Diċembru 2015, li jistgħu jsaħħu s-sistema ta' governanza tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali;

18.

Jilqa' l-prattika tal-UE u tal-Istati Membri tal-ħruġ ta' pleġġijiet għall-konferenza tal-ICRC; jistieden lir-RGħ/VP tirrapporta regolarment dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-pleġġijiet, notevolment permezz tal-inklużjoni ta' taqsima dettaljata fil-kapitolu dwar id-dritt umanitarju internazzjonali fir-Rapport Annwali tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

19.

Jistieden lin-NU u lill-UE jippromwovu kampanji biex jiżguraw li l-atturi kollha, inklużi gruppi armati mhux statali, ikunu konxji mill-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, u jissodisfaw l-obbligi tagħhom sabiex jiffaċilitaw l-assistenza u l-protezzjoni umanitarja għal persuni taħt l-influwenza tagħhom;

20.

Jistieden lill-Istati Membri jmexxu bl-eżempju u jwettqu l-impenn tagħhom li jirratifikaw l-istrumenti priċipali tad-dritt umanitarju internazzjonali u strumenti ġuridiċi rilevanti oħra, li għandhom impatt fuq id-dritt umanitarju internazzjonali;

21.

Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar l-użu ta' drones armati barra mill-qafas ġuridiku internazzjonali, u jinsisti fuq l-istedina tiegħu lill-Kunsill biex jadotta pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati;

22.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.


(1)  ĠU C 303, 15.12.2009, p. 12.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0066.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0051.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2015)0418.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2014)0172.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2015)0459.

(7)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.


21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/23


P8_TA(2016)0202

Aċċess pubbliku għad-dokumenti għas-snin 2014-2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (l-Artikolu 116(7) tar-Regoli ta' Proċedura) għas-snin 2014-2015 (2015/2287(INI))

(2018/C 066/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 10, 11 u 16 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 15 u 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 41 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (2);

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (tfassil mill-ġdid) (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (l-Artikolu 104(7) tar-Regoli ta' Proċedura) għas-snin 2011-2013 (4),

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ottubru 2013 fil-Kawża C-280/11 P Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Access Info Europe,

wara li kkunsidra l-pakkett ta' “Regolamentazzjoni Aħjar” imressaq mill-Kummissjoni f'Mejju 2015,

wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi tal-President Juncker għall-Kummissjoni,

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fl-2013 u fl-2014,

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-Aċċess Pubbliku għad-Dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea tal-2007,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Ombudsman għall-2014,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 u l-Artikolu 116(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0141/2016),

A.

billi t-trasparenza sħiħa tinsab fil-qofol tal-fiduċja li ċ-ċittadni għandhom fl-istituzzjonijiet tal-UE, tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-fehim tad-drittijiet li joħorġu mis-sistema legali tal-Unjoni u għas-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, inkluża l-implimentazzjoni korretta tal-proċeduri amministrattivi u leġiżlattivi;

B.

billi d-dritt għall-aċċess għad-dokumenti huwa dritt fundamentali mħares mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mit-Trattati u implimentat mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 sabiex, b'mod partikolari, jiġi żgurat li dan id-dritt ikun jista' jiġi eżerċitat bl-aktar mod faċli possibbli, u biex jiġu promossi prattiki amministrattivi tajbin dwar l-aċċess għad-dokumenti billi jiġi żgurat skrutinju demokratiku tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet u jiġi żgurat li jikkonformaw mar-regoli minquxa fit-Trattati;

Trasparenza u demokrazija

1.

Jinnota li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti għas-snin 2011-2013 ma ngħatawx segwitu xieraq mit-tliet istituzzjonijiet; jiddispjaċih b'mod partikolari dwar il-fatt li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE ma ħatrux minn ħdan l-istrutturi ta' ġestjoni eżistenti tagħhom, Uffiċjal għat-Trasparenza li jkun responsabbli għall-konformità u għat-titjib tal-prattiki; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet biex jagħmlu dan fl-iqsar żmien possibbli;

2.

Jirrimarka li l-istituzzjonijiet tal-UE, fl-azzjonijiet u l-politiki tagħhom, għandhom ikunu bbażati fuq id-demokrazija rappreżentattiva, kif stabbilit fl-Artikolu 10(1) tat-TUE, u għandhom jiżguraw il-konformità mal-prinċipji ta' trasparenza sħiħa, ta' tqassim u tal-għoti ta' informazzjoni liċ-ċittadini b'mod preċiż u fi żmien xieraq; jenfasizza li l-Artikolu 10(3) tat-TUE jirrikonoxxi d-demokrazija parteċipattiva bħala wieħed mill-prinċipji demokratiċi ewlenin tal-UE, u b'hekk jenfasizza li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun qrib taċ-ċittadini; jenfasizza li meta l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tissarraf f'konsultazzjonijiet pubbliċi, l-istituzzjonijiet iridu jqisu r-riżultat tagħhom;

3.

Jirrimarka li t-trasparenza u l-aċċess sħiħ għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet għandhom ikunu r-regola skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u li, kif diġà stabbilit mill-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eċċezzjonijiet għal din ir-regola għandhom ikunu interpretati b'mod korrett billi jitqies l-interess pubbliku prevalenti favur id-divulgazzjoni u l-rekwiżiti tad-demokrazija, fosthom l-involviment aktar mill-qrib taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, il-leġittimità tal-governanza, l-effiċjenza u r-responsabilità lejn iċ-ċittadini;

4.

Iqis li l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-Unjoni Ewropea għadhom qed jonqsu milli jqisu bis-sħiħ u jikkonformaw mar-regoli u l-bidliet previsti mit-Trattat ta' Lisbona u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, speċjalment fir-rigward tad-demokrazija parteċipattiva; jinnota u jilqa' s-sentenzi reċenti tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Digital Rights Ireland  (5) u l-kawża Schrems  (6), li fit-tnejn li huma l-Qorti bbażat ruħha fuq il-Karta meta ddikjarat l-invalidità tad-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data (7) u tad-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza (8), rispettivament; jenfasizza li l-aċċess pubbiku għad-dokumenti u l-ġestjoni tar-reġistri tad-dokumenti jeħtieġ li jkunu bbażati fuq standards li jikkonformaw adegwatament mal-Artikoli 41 u 42 tal-Karta;

5.

Jenfasizza li l-privatezza u l-protezzjoni tad-data għandhom jiġu osservati filwaqt li tiġi żgurata t-trasparenza;

6.

Ifakkar li kwalunkwe deċizjoni li ċċaħħad l-aċċess pubbliku għad-dokumenti għandha tkun ibbażata fuq eżenzjonijiet legali definiti b'mod ċar u strett, akkumpanjati minn ġustifikazzjoni motivata u speċifika, li tippermetti liċ-ċittadini jifhmu ċ-ċaħda għall-aċċess u jagħmlu użu effettiv mir-rimedji legali disponibbli;

7.

Jinnota li, biex tinħoloq sistema politika leġittima, responsabbli u demokratika li tikkonforma mal-istat tad-dritt, iċ-ċittadini għandu jkollhom id-dritt li jkunu jafu dwar, u li jiskrutinizzaw:

l-azzjonijiet tar-rappreżentanti tagħhom, ladarba dawn jiġu eletti jew maħtura biex jassumu kariga pubblika;

il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet (fosthom kwalunkwe dokument iċċirkolat, individwi involuti, voti mitfugħa, eċċ.);

il-mod kif jiġu allokati u kif jintefqu l-fondi pubbliċi u r-riżultati konsegwentement miksuba;

iqis, għaldaqstant, li jeħtieġ li jiġi ppubblikat reġistru elettroniku li fih jiġu rreġistrati l-elementi kollha msemmija hawn fuq;

8.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinnomina Kummissarju biex ikun responsabbli għat-trasparenza u għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni biex jippreżenta, fl-istess waqt u fl-iqsar żmien possibbli, pjan ambizzjuż ta' azzjoni rigward it-trasparenza u l-aċċess pubbliku għal dokumenti, b'rikonoxximent tal-fatt li t-trasparenza hija l-pedament ta' regolamentazzjoni aħjar;

9.

Jiddispjaċih li l-aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-UE għadu diffiċli għaċ-ċittadini minħabba n-nuqqas ta' approċċ komuni fost l-istituzzjonijiet immirat biex jiffaċilita l-aċċess għad-dokumenti għaċ-ċittadini u bbażat fuq it-trasparenza sħiħa, l-komunikazzjoni u d-demokrazija diretta; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE biex jiżviluppaw ulterjorment approċċ iżjed proattiv dwar it-trasparenza billi jiddivulgaw b'mod proattiv l-akbar għadd possibbli tad-dokumenti tagħhom, bl-aktar mod sempliċi, ta' użu faċli, u aċċessibbli, billi, meta dan jintalab, jittraduċu d-dokumenti tagħhom f'lingwi uffiċjali oħra tal-UE, u billi jistabbilixxu arranġamenti korretti, sempliċi u li ma jinvolvux spejjeż kbar, fosthom, permezz ta' mezzi diġitali u elettroniċi, li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità; iqis, b'mod partikolari, li l-aċċessibilità tal-informazzjoni għandha tittejjeb permezz ta' interfaċċi u sistemi ta' tiftix ta' użu faċli; jitlob l-iżvilupp ta' punt ta' aċċess komuni għall-portals tat-tliet istituzzjonijiet, li jinbena fuq il-proġett pilota għal pjattaforma online għall-pubblikazzjoni proattiva ta' dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE, u għall-armonizzazzjoni tal-portals ta' tiftix bejn id-dipartimenti tal-istess istituzzjoni (inklużi d-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni); jistieden ukoll lill-istituzzjonijiet ikomplu u jsaħħu l-ħidma ta' estensjoni tal-għarfien tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki tal-UE; jemmen li, għal dak l-għan, l-Unjoni għandha tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal li joffru teknoloġiji ġodda (netwerks soċjali, applikazzjonijiet għas-smartphone, eċċ.), sabiex ikun żgurat aċċess komprensiv u faċli għall-informazzjoni;

10.

Jiddispjaċih li d-dokumenti uffiċjali sikwit ikunu kklassifikati żżejjed; itenni l-pożizzjoni tiegħu li għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari u uniformi għall-klassifikazzjoni u d-deklassifikazzjoni tad-dokumenti; jiddispjaċih li l-istituzzjonijiet jitolbu laqgħat bil-magħluq mingħajr ġustifikazzjoni xierqa; itenni l-istedina tiegħu lill-istituzzjonijiet biex jivvalutaw u jiġġustifikaw pubblikament talbiet għal laqgħat bil-magħluq skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001; iqis li t-talbiet għal laqgħat bil-magħluq fil-Parlament għandhom jiġu evalwati mill-Parlament individwalment; jemmen li awtorità ta' sorveljanza indipendenti għandha tissorvelja l-proċessi ta' klassifikazzjoni u ta' deklassifikazzjoni;

11.

Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE biex jadottaw proċeduri aktar rapidi, anqas ikkumplikati u aktar aċċessibbli għall-ġestjoni ta' lmenti kontra ċ-ċaħda tal-għoti ta' aċċess; iqis li approċċ aktar proattiv jgħin biex tiġi żgurata trasparenza effettiva kif ukoll biex jiġi evitat tilwim legali mhux meħtieġ li jista' jikkawża spejjeż u piżijiet mhux meħtieġa kemm għall-istituzzjonijiet kif ukoll għaċ-ċittadini;

12.

Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha, sakemm titwettaq ir-reviżjoni mixtieqa tiegħu, japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, u l-ġurisprudenza sussegwenti, b'mod sħiħ u konformi mal-kliem u l-ispirtu tiegħu, u jqisu l-bidliet magħmula mit-Trattat ta' Lisbona u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jistieden, b'mod partikolari, lill-Kunsill, inklużi l-korpi preparatorji tiegħu, jippubblika l-minuti tal-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill u dokumenti oħra, fid-dawl tal-kawża Access Info Europe, l-Istati Membri intervenjenti u l-proposti tagħhom; jistieden lill-Parlament biex jagħmel disponibbli l-aġendi u n-noti ta' feedback tal-laqgħat tal-koordinaturi tal-Kumitati, il-Bureau u l-Konferenza tal-Presidenti, kif ukoll, fil-prinċipju, id-dokumenti kollha msemmija f'dawn l-aġendi, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, billi jippubblikahom fuq is-sit web tal-Parlament;

13.

Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha japplikaw id-dispożizzjonijiet imsaħħa dwar it-trasparenza inklużi fir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 meta l-informazzjoni mitluba ikollha x'taqsam mal-ambjent, u josservaw l-obbligi tagħhom li jippubblikaw b'mod proattiv informazzjoni dwar l-ambjent;

14.

Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha jevalwaw u, meta jkun meħtieġ, jirrieżaminaw l-arranġamenti interni tagħhom għar-rappurtar ta' għemil ħażin, u jitlob il-protezzjoni tal-informaturi; jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni tirraporta lill-Parlament dwar l-esperjenzi tagħha rigward ir-regoli ġodda dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta għall-persunal tal-UE adottati fl-2012 u rigward il-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom;

Reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001

15.

Jirrimarka li, b'konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-TUE u tat-TFUE, id-dritt tal-aċċess għad-dokumenti jkopri l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE; iqis, għaldaqstant, li jeħtieġ isir aġġornament urġenti u jitwettaq tibdil sostanzjali lir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tal-ġurisprudenza relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; iqis, b'mod partikolari, li huwa fundamentali li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni biex jinkludi l-istituzzjonijiet Ewropej kollha li bħalissa mhumiex koperti, bħall-Kunsill Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE;

16.

Iqis li huwa deplorevoli li r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għadha wieqfa fil-Kunsill, u jittama li jsir progress malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-Kunsill jadotta pożizzjoni kostruttiva, filwaqt illi jqis il-pożizzjoni msemmija hawn fuq tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-15 ta' Diċembru 2011 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jiddefinixxi l-prinċipji ġenerali u l-limiti li jirregolaw id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni;

17.

Jirrakkomanda li tinħoloq, fost l-oħrajn abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 u r-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ġabra waħda ta' prinċipji li jirregolaw l-aċċess għad-dokumenti li tippermetti aktar ċarezza għaċ-ċittadini;

18.

Jiddispjaċih li ftit sar progress fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fir-rigward tal-obbligu għall-istituzzjonijiet, l-aġenziji u korpi oħra li jżommu reġistri kompluti ta' dokumenti, kif stabbilit fl-Artikoli 11 u 12 tiegħu u, fl-aħħar mill-aħħar, fit-Trattat ta' Lisbona u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jitlob approċċ komuni għall-istabbiliment ta' reġistri, u jistieden lil dawk l-istituzzjonijiet tal-UE jistabbilixxu reġistri ta' dokumenti jekk għadhom ma għamlux dan, u jimplimentaw miżuri biex jistandardizzaw il-klassifikazzjoni u l-preżentazzjoni tad-dokumenti tal-istituzzjonijiet; itenni, f'dan ir-rigward, barra minn punt ta' aċċess komuni għad-dokumenti tal-UE permezz tat-tliet portali tal-istituzzjonijiet, it-talba tiegħu biex il-proċeduri u l-kriterji komuni għar-reġistrazzjoni u l-assenjazzjoni ta' kodiċi interistituzzjonali għal kull dokument sabiex, eventwalment, ikun jista' jiġi stabbilit reġistru interistituzzjonali komuni, li jinkludi bażi ta' data konġunta dedikata dwar l-istat attwali tal-fajls leġislattivi;

19.

Ifakkar li, skont l-Artikoli 1(c) u 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet huma mitluba “li jippromwovu prattika amministrattiva tajba fl-aċċess għad-dokumenti” u “jiżviluppaw prattiċi amministrattivi tajbin sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-aċċess garantit minn dan ir-Regolament”; jenfasizza li t-trasparenza hija marbuta mill-qrib mad-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif imsemmi fl-Artikolu 298 tat-TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u jtenni t-talba tiegħu għall-adozzjoni ta' regolament dwar il-proċedura amministrattiva tal-amministrazzjoni proprja tal-UE (9);

20.

Jinnota li t-Trattat ta' Lisbona elimina r-referenza għall-protezzjoni tal-effiċjenza fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet leġiżlattivi;

Trasparenza tal-proċess leġiżlattiv

“Trilogi”

21.

Ifakkar li jitqies li proċess leġiżlattiv huwa tal-akbar importanza għaċ-ċittadini; jistieden lill-istituzzjonijiet jagħmlu disponibbli d-dokumenti li huma parti mill-proċeduri leġiżlattivi jew marbuta magħhom; iqis, b'mod partikolari, li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku l-akbar għadd ta' dokumenti possibbli permezz tas-siti web tagħhom u għandhom jikkunsidraw l-użu tal-“Ewropa tiegħek” Your Europe bħala portal tal-UE uniku u aċċessibbli għall-pubbliku biex tiġi ffaċilitata l-konsultazzjoni;

22.

Jirrikonoxxi l-inkjesta tal-Ombudsman dwar “it-trilogi”, li hija l-proċedura stabbilita li permezz tagħha tiġi adottata l-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni tal-UE; iħeġġeġ, lill-Ombudsman, fi ħdan il-mandat tagħha skont it-Trattati u skont l-Istatut tal-Ombudsman, tagħmel użu sħiħ mis-setgħat ta' investigazzjoni mogħtija lilha;

23.

Jirrimarka li l-użu tat-trilogi, għalkemm mhux formalment previst mit-Trattati, sar il-mod rikonoxxut biex jintlaħaq kunsens fost il-koleġiżlaturi u biex titħaffef il-proċedura leġiżlattiva stabbilita fit-Trattat; jinnota, għaldaqstant, li l-kumitati ta' konċiljazzjoni jintużaw biss fit-tielet qari bħala l-aħħar rimedju;

24.

Jiddeplora l-fatt li ċ-ċittadini m'għandhom ebda setgħa ta' skrutinju fuq in-negozjati tat-trilogi; jesprimi tħassib dwar l-abbużi li tista' ġġib din il-prattika leġiżlattiva, b'mod partikolari rigward l-introduzzjoni ta' elementi ġodda ta' leġiżlazzjoni waqt it-trilogi mingħajr proposta tal-Kummissjoni jew emenda Parlamentari li jservu ta' bażi, li permezz tagħhom il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u l-iskrutinju pubbliku jkunu jistgħu jiġu evitati;

25.

Jiddeplora l-fatt li, minħabba l-iżvelar ta' dokumenti formali u informali tat-trilogi, il-gruppi ta' interess kompetenti u b'ħafna konnessjonijiet igawdu minn aċċess mhux ugwali għad-dokumenti, u għaldaqstant għall-proċess leġiżlattiv; jinnota li l-iżvelar ta' dokumenti jista' jitnaqqas ladarba d-dokumenti tat-trilogi jiġu ppubblikati b'mod proattiv fuq pjattaforma aċċessibbli b'mod faċli mingħajr dewmien;

26.

Ifakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi r-riskju ta' pressjoni esterna u li din jaf tkun raġuni leġittima biex jiġi limitat l-aċċess għal dokumenti marbuta mal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, bil-kundizzjoni li r-realtà ta' tali pressjoni esterna tiġi stabbilita b'ċertezza, u li jitressqu provi suffiċjenti li juru li jeżisti riskju raġonevolment prevedibbli li d-deċiżjoni li għandha tittieħed tiġi affettwata b'mod sostanzjali minħabba dik il-pressjoni esterna (10); jinsab imħasseb li l-prattika attwali tiffavorixxi aċċess usa' għall-fażijiet deċiżivi tal-proċess leġiżlattiv lil-lobbisti aktar milli lill-pubbliku ġenerali;

27.

Jirrimarka li, waqt li t-trilogi huma importanti u effikaċi, il-proċeduri li huma attwalment applikabbli għalihom jagħtu lok għal tħassib rigward it-trasparenza fil-proċedura leġiżlattiva; jistieden lill-istituzzjonijiet involuti jiżguraw trasparenza akbar tat-trilogi informali biex tissaħħaħ id-demokrazija billi tippermetti liċ-ċittadini jiflu bir-reqqa l-informazzjoni relevanti li tkun iffurmat il-bażi ta' att leġiżlattiv, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawżi magħquda Svezja u TurcoIl-Kunsill, filwaqt li jkun żgurat spazju adegwat ta' ħsieb għall-koleġiżlaturi; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iżidu r-rapportar fil-kumitat parlamentari kompetenti dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tat-trilogi; iqis li, meta dokumenti jkunu maħluqa fil-qafas tat-trilogi, bħal pereżempju aġendi, sommarji tar-riżultati, minuti u approċċi ġenerali fil-Kunsill, jekk ikunu disponibbli, dawn id-dokumenti jkunu relatati ma' proċeduri leġiżlattivi u ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu ttrattati b'mod differenti minn dokumenti leġiżlattivi oħra; huwa tal-fehma li lista ta' laqgħat tat-trilogi u d-dokumenti msemmija hawn fuq għandhom ikunu direttament aċċessibbli fis-sit web tal-Parlament; ifakkar li l-ftehim interistituzzjonali futur dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet jinkludi bażi ta' data dwar fajls leġiżlattivi u, jekk jiġi adottat, se jindirizza wkoll il-ġestjoni xierqa tat-trilogi;

Emendi plenarji

28.

Jiddeplora l-fatt li meta emendi plenarji ffirmati b'mod konġunt minn mill-inqas 40 Membru jiġu rreġistrati, jiġu ppubblikati biss l-ismijiet ta' xi wħud mill-kofirmatarji; iqis li għandhom jiġu ppubblikati l-ismijiet tal-kofirmatarji kollha;

Reġistru obbligatorju tal-lobbies

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mingħajr dewmien ulterjuri, il-proposta tagħha għal ftehim interistituzzjonali biex jinħoloq reġistru interistituzzjonali obbligatorju tal-gruppi ta' interess u tal-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet reġjonali li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjonijiet, u jitlob li dan jingħata l-ogħla prijorità; jitlob li tali reġistru jżomm informazzjoni dettaljata dwar min jirrapreżenta lil liema grupp ta' interess, għal liema skop u b'liema riżorsi u finanzjament;

30.

Iħeġġeġ lill-Membri tal-Parlament Ewropew u lir-rappreżentanti tal-Kunsill isegwu l-prattika tal-Kummissjoni, stabbilita bid-Deċiżjoni tagħha tal-25 ta' Novembru 2014, biex jippubblikaw informazzjoni dwar il-laqgħat bejniethom jew il-persunal tagħhom fuq naħa, u mal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili fuq in-naħa l-oħra;

31.

Jistieden lill-Parlament biex, bħala l-ewwel pass f'din id-direzzjoni, jagħmel disponibbli għal dawk il-Membri tal-Parlament Ewropew li jixtiequ jirrapurtaw dwar il-kuntatti tagħhom mal-lobbisti, mudell għar-Rapporteurs li jista' jiġi mehmuż bħala anness mar-rapporti tagħhom, kif ukoll spazju għal informazzjoni ta' dan it-tip fuq il-paġni web tal-Parlament li jirreferu għal Membri tal-Parlament Ewropew individwali;

Atti delegati

32.

Ifakkar li, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u sabiex jiġi garantit kontroll Parlamentari sħiħ, demokratiku u trasparenti, jeħtieġ li l-aċċess jingħata wkoll għad-dokumenti prodotti skont il-qafas tal-proċedura ta' delegazzjoni tas-setgħat (atti delegati) peress li dawn jirrappreżentaw parti sostanzjali tal-leġiżlazzjoni Ewropea u għal din ir-raġuni għandu jiġi garantit bis-sħiħ kontroll parlamentari u demokratiku adegwat u trasparenti; jiddeplora b'mod partikolari, f'dan il-kuntest, in-nuqqas ta' trasparenza tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej (l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA) minħabba nuqqas ta' involviment min-naħa tal-koleġiżlaturi; jinnota b'diżappunt li għadu ma ġiex stabbilit reġistru uniku li jiġbor il-leġiżlazzjoni kollha tat-tieni livell u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dan mingħajr dewmien;

Il-ftehimiet internazzjonali

33.

Jinnota li l-ftehimiet internazzjonali għandhom saħħa vinkolanti u impatt fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE u jinnota l-ħtieġa li matul il-proċess kollu n-negozjati jkunu trasparenti, u dan jimplika li l-istituzzjonijiet għandhom jippubblikaw il-mandat ta' negozjar mogħti lin-negozjatur tal-UE mingħajr ma jimmina l-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE; iqis li għandu jiġi segwit il-prinċipju li d-dokumenti relatati ma' ftehimiet internazzjonali għandhom ikunu pubbliċi, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet leġittimi u mingħajr ma jimmina l-fiduċja meħtieġa bejn il-partijiet ikkonċernati sabiex jinkisbu negozjati effikaċi; jiddispjaċih li l-Kummissjoni u l-Kunsill regolarment jikklassifikaw id-dokumenti kollha dwar in-negozjati, u b'hekk jillimitaw l-aċċess taċ-ċittadini għall-informazzjoni; isostni li l-pubbliku għandu jingħata aċċess għad-dokumenti ta' negozjar relevanti kollha, inklużi dawk diġà maqbulin, bl-eċċezzjoni ta' dawk li huma kkunsidrati sensittivi, b'ġustifikazzjoni ċara fuq bażi individwali, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

34.

Ifakkar lill-Kummissjoni li, skont l-Artikolu 218 tat-TFUE, il-Parlament għandu jkun infurmat bis-sħiħ u immedjatament fl-istadji kollha waqt li n-negozjati jkunu għaddejjin; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, f'kull stadju, liema dokumenti u liema informazzjoni tista' ssir pubblika b'mod proattiv;

It-trasparenza tal-proċess amministrattiv

35.

Jirrimarka li t-trasparenza ssaħħaħ u tikkontribwixxi biex jiġi implimentat il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba kif previst mill-Artikolu 41 tal-Karta u mill-Artikolu 298 tat-TFUE; jistieden, għaldaqstant, lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi interni tagħhom jilħqu dan l-għan;

36.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jfasslu regoli komuni li jirregolaw il-kondotta tal-proċeduri amministrattivi u l-proċeduri ta' sottomissjoni, klassifikazzjoni, deklassifikazzjoni, reġistrazzjoni u divulgazzjoni ta' dokumenti amministrattivi; jittama li proposta leġiżlattiva għal dan l-iskop tkun tista' tiġi ppreżentata mingħajr dewmien;

Proċeduri ta' ksur

37.

Jiddeplora n-nuqqas ta' trasparenza rigward l-avviżi ta' tqegħid fil-mora u l-proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri; jitlob, b'mod partikolari, biex id-dokumenti mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Istati Membri b'rabta ma' tali proċeduri u r-risposti relatati jkunu aċċessibbli għall-pubbliku; jitlob, barra minn hekk, li l-informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea jiġu ppublikati b'mod proattiv;

Il-ġestjoni tal-Fondi Strutturali u kwistjonijiet oħra

38.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jiġu garantiti l-aċċessibbiltà sħiħa u t-trasparenza effettiva tal-informazzjoni dwar in-negozjati tal-programmi operattivi nazzjonali u reġjonali;

39.

Iqis li t-trasparenza sħiħa u l-aċċessibilità tad-data huma fundamentali biex jiġi evitat u miġġieled kwalunkwe abbuż u frodi; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tagħmel obbligatorja l-pubblikazzjoni tad-data tal-benefiċjarji kollha tal-Fondi Strutturali inklużi s-sottokuntratturi; itenni li huwa kruċjali li fl-UE jkun hemm trasparenza sħiħa fin-nefqa pubblika biex tiġi żgurata r-responsabilità u tiġi miġġielda l-korruzzjoni;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja li l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi ta' informazzjoni u rapportar stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u, jekk ikun hekk meħtieġ, timponi s-sanzjonijiet previsti f'każ ta' nuqqas ta' osservanza ta' dawn l-obbligi;

41.

Jirrimarka li, filwaqt li nkiseb progress fl-għoti ta' informazzjoni fis-sit web tal-Parlament rigward l-allowances differenti li huma intitolati għalihom il-Membri, u dwar ir-regoli li bihom huma rregolati, din il-politika għandha tiġi segwita filwaqt li jitqiesu l-aħjar prattiki fil-parlamenti nazzjonali u l-azzjonijiet li diġà ttieħdu minn Membri individwali; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Membri kollha sabiex jimpenjaw ruħhom f'dan l-isforz billi jiddivulgaw b'mod proattiv informazzjoni dwar l-attivitajiet speċifiċi tagħhom u l-użu tan-nefqa, sabiex il-Parlament jibqa' fuq quddiem tal-isforzi biex tinkiseb trasparenza u attitudni miftuħa fl-UE, u bil-ħsieb li jkun hemm rendikont pubbliku tal-fondi pubbliċi;

42.

Iqis li f'bidla tal-politika ta' trasparenza tiegħu, il-BĊE issa jipprevedi l-pubblikazzjoni tal-minuti tal-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija tal-BĊE, iżda jinsab diżappuntat li l-BĊE għadu lura ħafna f'dan l-aspett, meta mqabbel ma' banek ċentrali dinjija oħra; jistenna l-implimentazzjoni ta' miżuri ulterjuri oħra li għandhom itejbu t-trasparenza tal-kanali ta' komunikazzjoni tiegħu;

43.

Jittama, għaldaqstant, li fil-ġejjieni d-dokumenti kollha rigward id-deċiżjonijiet meħuda fil-proċess tal-Analiżi tal-Kwalità tal-Assi jsiru pubbliċi sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwi fl-UE; jittama li r-rekwiżiti ta' trasparenza jiġu applikati wkoll fil-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRM), skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament SRM, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2016;

44.

Jistieden lill-Kumitat Interistituzzjonali stabbilit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 biex jaħdem b'mod aktar attiv u jikkomunika lill-kumitati kompetenti dwar il-kwistjonijiet diskussi; jistiednu jiltaqa' b'mod aktar regolari, u biex jiftaħ diskussjonijiet u deliberazzjonijiet interni billi jistieden u jqis sottomissjonijiet mis-soċjetà ċivili, l-Ombudsman Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data; jistiednu jindirizza b'urġenza l-kwistjonijiet imsemmija f'din ir-riżoluzzjoni;

45.

Iqis li huwa indispensabbli li l-aġenziji tal-UE japplikaw politika komuni dwar il-kunflitti ta' interess; jinnota li f'xi każijiet il-politika li ġiet applikata sa issa tipprevedi dispożizzjonijiet rigward il-pubblikazzjoni tas-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tad-Direttur u tal-maniġment superjuri; josserva bi tħassib, madankollu, li l-obbligu li jiġu ppubblikati s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess ma japplikax għall-esperti; jistieden lill-aġenziji jestendu tali obbligu għall-esperti;

Segwitu

46.

Jitlob lill-Kummissjoni u lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew jinfurmaw lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet f'din ir-riżoluzzjoni;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza l-kriterji dwar il-pubblikazzjoni tal-benefiċjarji tal-Fondi Strutturali;

o

o o

48.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(2)  ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.

(3)  ĠU C 168 E, 16.6.2013, p. 159.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2014)0203.

(5)  Kawżi Magħquda C-293/12 u C-594/12. Sentenza tal-Qorti (l-Awla Manja) tat-8 ta' April 2014.

(6)  Kawża C 362/14. Sentenza tal-Qorti (l-Awla Manja) tas-6 ta' Ottubru 2015.

(7)  Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006.

(8)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2000/520/KE tas-26 ta' Lulju 2000.

(9)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2013 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Liġi ta' Proċedura Amministrattiva tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 440, 30.12.2015, p. 17).

(10)  Kawża T-144/05, Pablo Munoz vs Il-Kummissjoni, paragrafu 86.


21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/30


P8_TA(2016)0203

Il-ħaddiema domestiċi nisa u n-nisa li jaħdmu fis-settur tal-kura fl-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-ħaddiema domestiċi nisa u n-nisa li jaħdmu fis-settur tal-kura fl-UE (2015/2094(INI))

(2018/C 066/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-preambolu u l-Artikoli 3 u 6 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikoli 1, 3, 5, 27, 31, 32, 33 u 47 tagħha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB), b'mod partikolari l-Artikolu 4.1 li jipprojbixxi l-iskjavitù u s-servitù, u l-Artikolu 14 li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,

wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tat-3 ta' Mejju 1996, b'mod partikolari l-Parti I u l-Parti II, l-Artikolu 3 tagħha,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2014 dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020 (COM(2014)0332),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar ħaddiema nisa prekarji (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar kuntratti atipiċi, karrieri professjonali sikuri, flessigurtà u forom ġodda ta' djalogu soċjali (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Settembru 2001 dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol (3),

wara li kkunsidra r-rapport tal-2013 tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) bl-isem “Nisa, irġiel u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa”,

Wara li kkunsidra r-rapporti tal-Eurofound tal-2008 bl-isem “Miżuri biex jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat fl-Unjoni Ewropea” u tal-2013 bl-isem “Nindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u n-Norveġja: Approċċi u miżuri mill-2008”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta' Mejju 2006 bl-isem "Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd: il-kontribuzzjoni tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-aġenda tax-xogħol deċenti għal kulħadd' (COM(2006)0249),

wara li kkunsidra r-rapport tal-2015 tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bl-isem “L-isfruttament gravi tax-xogħol: il-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni Ewropea jew li jidħlu fiha – l-obbligi tal-Istati Membri u d-drittijiet tal-vittmi”

wara li kkunsidra r-rapport tal-2011 tal-FRA bl-isem “Migranti f'sitwazzjoni irregolari impjegati f'xogħol domestiku: L-isfidi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha”,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (5),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Ottubru 2014 dwar l-iżvilupp tas-servizzi għall-familja biex ir-rati tal-impjieg jiżdiedu u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fix-xogħol,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015 (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013 (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-irġiel u għan-nisa (8),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2007 bl-isem “Il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea: Il-perspettiva tas-sessi”;

wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2014 bl-isem “Is-settur tal-kura residenzjali: Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-impjiegi”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar migranti nisa mingħajr dokumenti fl-Unjoni Ewropea (9),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tat-18 ta' Diċembru 1990 dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea tal-24 ta' Novembru 1977 dwar l-Istatus Ġuridiku tal-Ħaddiema Migranti,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna tat-18 ta' April 1961 dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2011 bl-isem “Inizjattivi tal-kumpaniji favur ħaddiema li għandhom fir-responsabbiltà tagħhom il-kura ta' tfal jew adulti b'diżabbiltà”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa li jkunu qed joqorbu lejn l-età tal-pensjoni (10),

wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-10 ta' Ottubru 2014 imħejji mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u l-Kummissjoni Ewropeabl-isem “Protezzjoni soċjali adegwata għall-ħtiġijiet ta' kura fit-tul f'soċjetà li qed tixjieħ”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2015 bl-isem “Ix-xogħol u l-assistenza: Miżuri ta' rikonċiljazzjoni fi żminijiet ta' tibdil demografiku”,

wara li kkunsidra l-opinjoni tas-26 ta' Mejju 2010 tas-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-professjonalizzazzjoni tax-xogħol domestiku” (11),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 189 u r-Rakkomandazzjoni Nru 201 dwar Xogħol Deċenti għall-Ħaddiema Domestiċi, adottata fis-16 ta' Ġunju 2011 fil-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol tal-ILO,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/51/UE li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Konvenzjoni Nru 189) (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar il-proposta għal Konvenzjoni tal-ILO issupplimentata b'rakkomandazzjoni dwar il-ħaddiema domestiċi (13),

wara li kkunsidra r-Rapporti IV (1) u IV (2) tal-ILO, bl-isem “Xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi”, imħejja għad-99 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol f'Ġunju 2010, u r-Rapporti IV(1) u IV(2) (ippubblikati f'żewġ volumi) bl-isem “Xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi”, imħejja għall-100 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol f'Ġunju 2011,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0053/2016),

A.

billi skont il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189 “ħaddiem domestiku” huwa kwalunkwe persuna involuta f'xogħol domestiku fi ħdan relazzjoni ta' impjieg, kemm jekk f'unità domestika waħda kif ukoll f'aktar minn waħda, filwaqt li persuna li tagħmel xogħol domestiku okkażjonalment jew sporadikament biss u mhux fuq bażi okkupazzjonali mhijiex ħaddiema domestika;

B.

billi “kura” tfisser xogħol imwettaq f'istituzzjonijiet pubbliċi jew privati jew f'unità domestika privata jew unitajiet domestiċi privati biex tiġi provduta kura personali lit-tfal, l-anzjani, il-persuni morda jew diżabbli; billi x-xogħol ta' kura jista' jsir minn carers professjonali li jistgħu jkunu impjegati minn entitajiet pubbliċi jew privati jew familji jew ikunu jaħdmu għal rashom, u/jew jista' jsir ukoll minn carers mhux professjonali, li normalment ikunu membri tal-familja;

C.

billi t-terminu “ħaddiema domestiċi u ħaddiema fis-settur tal-kura” jinkludi diversi gruppi ta' ħaddiema li jinkludu, iżda mhux limitati għal, ħaddiema li jirrisjedu fl-unità domestika fejn jaħdmu, ħaddiema esterni, ħaddiema bis-siegħa f'diversi unitajiet domestiċi, ħaddiema tal-familja, ħaddiema li jipprovdu kura matul il-ġurnata jew bil-lejl, babysitters, au-pairs u l-ġardinara, li r-realtà u kundizzjonijiet tagħhom jistgħu jvarjaw b'mod sinifikanti;

D.

billi fis-settur tax-xogħol domestiku kien hemm jaħdmu aktar minn 52 miljun persuna fid-dinja fl-2010, skont iċ-ċifri tal-ILO, li magħhom jiżdiedu 7,4 miljun ħaddiem domestiku taħt l-età ta' 15-il sena, li jammonta għal bejn 5 % u 9 % tal-impjieg kollu fil-pajjiżi industrijalizzati; billi, skont l-ILO, il-maġġoranza tal-ħaddiema impjegati f'dan is-settur huma nisa li rrappreżentaw 83 % tal-ħaddiema domestiċi fid-dinja fl-2010 u dan ifisser 2,5 miljun fl-UE, li 88 % minnhom huma nisa; billi dan is-settur huwa kkaratterizzat minn femminizzazzjoni konsiderevoli; billi l-ħaddiema domestiċi u l-carers jikkontribwixxu bil-kbir għall-miri tal-ugwaljanza bejn is-sessi tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 billi jipprovdu b'mod effettiv l-infrastruttura li tippermetti lil ħafna familji fl-UE jilħqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

E.

billi l-professjonalizzazzjoni tfisser li l-ħaddiema ta' ċertu settur jingħataw drittijiet ta' impjieg u protezzjoni soċjali; billi x-xogħol domestiku u s-settur tal-kura jistgħu jkunu professjonalizzati permezz ta' kombinazzjoni ta' finanzi pubbliċi (ħelsien mit-taxxa), finanzi soċjali (konċessjonijiet tal-familja, għajnuna għal negozji, impriżi mutwi u assigurazzjoni tas-saħħa, kunsilli tax-xogħol, eċċ.) u finanzi privati (ħlas għal servizzi minn individwi privati);

F.

billi fiż-żewġ setturi, ix-xogħol mhux iddikjarat u l-isfruttament huma mifruxin b'mod wiesa';

G.

billi x-xogħol domestiku u ta' kura huma karatterizzati prinċipalment mill-karatteristiċi li ġejjin: instabbiltà tax-xogħol, mobbiltà ġeografika, sigħat ad hoc, staġjonalità, rotazzjoni, prekarjetà, xogħol temporanju u predominantement xogħol mhux iddikjarat;

H.

billi skont l-ILO 29,9 % tal-ħaddiema domestiċi huma esklużi kompletament minn leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ix-xogħol, u sal-ġurnata tal-lum ix-xogħol tal-ħaddiema domestiċi u l-carers fl-UE huwa rarament irregolat jew mhux irregolat b'mod uniformi fl-Istati Membri, bir-riżultat li l-ħaddiema domestiċi ta' sikwit ma jiġux ikkunsidrati bħala ħaddiema regolari jew tipiċi u għalhekk id-drittijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali tagħhom huma ferm limitati (14);

I.

billi l-ħaddiema domestiċi u l-carers li huma esklużi minn liġijiet tax-xogħol ma jistgħux jiġu garantiti ambjent tax-xogħol sikur u san, u jiffaċċjaw diskriminazzjoni sinifikanti fir-rigward tal-livell ta' drittijiet u protezzjoni li huma jgawdu minnhom meta imqabblin mal-istandards ġenerali tal-pajjiżl; billi, barra minn hekk, dawn ma għandhomx id-dritt li jipparteċipaw fi trejdjunjins jew fin-negozjar kollettiv b'mezzi oħra, jew ma jkunux konxji ta' kif jagħmlu dan jew jesperjenzaw diffikultajiet f'dan ir-rigward, li jagħmilhom partikolarment vulnerabbli, speċjalment minħabba kopertura limitat f'dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali (partikolarment benefiċċji tal-qgħad, ħlas għall-mard u inċidenti kif ukoll liv tal-maternità, il-leave tal-ġenituri u tipi oħrajn ta' leave tal-kura) u l-esklużjoni frekwenti tagħhom mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija;

J.

billi r-rispett u l-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali eżistenti għall-protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema domestiċi u tal-ħaddiema fis-settur tal-kura għadha kwistjoni pendenti għal xi Stati Membri;

K.

billi regolamentazzjoni adegwata għal dan is-settur tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat;

L.

billi xi miżuri ta' appoġġ settorjali, bħat-tnaqqis fiskali Svediż għas-servizzi domestiċi, “il-vawċer tal-impjieg għas-servizz” Franċiż jew “il-vawċer għas-servizz” Belġjan urew li huma effettivi fit-tnaqqis tax-xogħol mhux iddikjarat, fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u fl-għoti tad-drittijiet tax-xogħol regolari lill-ħaddiema domestiċi u l-ħaddiema fis-settur tal-kura;

M.

billi huwa stmat li l-maġġoranza tal-kura fl-UE qiegħda attwalment tiġi provduta minn carers informali u mhux imħallsa, li huma stess jistgħu jitqiesu grupp vulnerabbli minħabba l-pressjonijiet dejjem akbar sabiex jipprovdu livelli ta' kura aktar sofistikati u tekniċi; billi 80 % tal-carers huma nisa u li dan jaffettwa r-rati ta' impjieg fost in-nisa, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tixjiħ b'mod san;

N.

billi s-settur tax-xogħol domestiku – li fih il-maġġoranza tal-ħaddiema huma nisa – jiffavorixxi l-isfruttament tal-ħaddiema; billi tali sfruttament jikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet fundamentali u kemm il-ħaddiema mingħajr dokumenti kif ukoll iċ-ċittadini tal-UE għandhom jiġu protetti minn dan;

O.

billi l-FRA tikkunsidra x-xogħol domestiku u l-kura bħala wieħed mis-setturi l-aktar esposti għar-riskju ta' sfruttament gravi tal-ħaddiema fl-UE; billi dan l-isfruttament jidher ta' spiss meta ma jkunx hemm kuntratt formali jew ikun hemm kuntratti li ma jikkorrispondux għall-kompiti reali mwettqa, pagi baxxi, ħlas irregolari jew saħansitra l-ebda ħlas, ħinijiet tax-xogħol twal iżżejjed, l-ebda liv, u abbuż sesswali, razzjali u/jew abbuż sessist;

P.

billi l-ħaddiema domestiċi sikwit jintalbu jaħdmu sigħat eċċessivi u 45 % minnhom mhumiex intitolati għal liv ta' kull ġimgħa jew għal liv annwali mħallas (15); billi l-ħaddiema domestiċi u carers li jirrisjedu fid-dar fejn jaħdmu għandhom b'mod partikolari responsabbiltajiet u kompiti li ma jippermettulhomx jieħdu biżżejjed ħin ta' mistrieħ konsekuttiv;

Q.

billi aktar minn terz tal-ħaddiema domestiċi nisa mhumiex intitolati għal-lif ta' maternità jew drittijiet relatati u allowances, (16) u f'xi Stati Membri ħaddiema domestiċi u ħaddiema fis-settur tal-kura m'għandhomx dritt għall-benefiċċju tal-qgħad;

R.

billi ħafna impjiegi fis-settur tal-kura tas-saħħa u s-settur tal-kura f'ċerti Stati Membri joffru remunerazzjoni baxxa, ta' spiss ma joffrux kuntratti formali jew drittijiet ta' xogħol bażiċi oħra u mhumiex attraenti minħabba r-riskju għoli ta' stress fiżiku u emozzjonali, it-theddida ta' eżawriment, u nuqqas ta' opportunitajiet ta' żvilupp fil-karriera; billi s-settur joffri ftit opportunitajiet ta' taħriġ u, barra minn hekk, il-ħaddiema f'dan is-settur huma b'mod predominanti kbar fl-età, nisa u ħaddiema migranti;

S.

billi l-ħaddiema domestiċi ħafna drabi jaħdmu f'kondizzjonijiet ħżiena ħafna jew perikolużi jew ikollhom nuqqas ta' taħriġ adegwat biex iwettqu kompiti speċifiċi li jistgħu jirriżultaw f'korrimenti fuq il-post tax-xogħol; billi l-istess dispożizzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà għandhom ikunu ggarantiti fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema domestiċi u l-carers kollha jkun xi jkun it-tip ta' impjieg, jiġifieri kemm għall-ħaddiema impjegati formalment u kemm għall-ħaddiema impjegati direttament minn unitajiet domestiċi privati;

T.

billi l-post tax-xogħol fejn dawn in-nies iwettqu xogħolhom ma jeżentax lill-impjegatur milli jħares il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà u l-prevenzjoni tar-riskji, kif ukoll milli jirrispetta l-privatezza ta' dawk li jqattgħu l-lejl fil-post tax-xogħol;

U.

billi l-au pairs huma grupp ta' ħaddiema domestiċi li ta' sikwit ma jitqisux bħala ħaddiema regolari; billi bosta rapporti jindikaw li dan jista' jwassal għal abbuż billi pereżempju l-au pairs jiġu sfurzati jaħdmu sigħat eċċessivi; billi l-au pairs għandhom jirċievu protezzjoni ugwali bħall-ħaddiema domestiċi l-oħra;

V.

billi l-maġġoranza tal-ħaddiema domestiċi u l-carers huma nisa migranti, li persentaġġ kbir tagħhom huma f'sitwazzjoni irregolari, u ħafna huma minuri jew ħaddiema temporanji jew ħaddiema li d-drittijiet jew il-kwalifiki tagħhom mhumiex rikonoxxuti u spiss ma jkunux jafu bid-drittijiet tagħhom, ikollhom aċċess ristrett għas-servizzi pubbliċi jew jiffaċċjaw problemi biex ikollhom aċċess għal dawn is-servizzi, għandhom għarfien limitat tal-lingwa lokali u jsofru minn nuqqas ta' inklużjoni soċjali;

W.

billi l-ħaddiema migranti bħalma huma l-ħaddiema domestiċi jistgħu jkunu esposti għal diskriminazzjoni multipla u huma b'mod partikolari vulnerabbli għal forom ta' vjolenza u diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, peress li spiss jaħdmu f'kundizzjonijiet medjokri u irregolari; billi għandhom isiru sforzi konkreti biex jiġu evitati t-trattament ħażin tal-ħaddiema migranti, il-ħlasijiet irregolari lilhom, it-tkeċċija inġusta tagħhom u l-atti ta' vjolenza jew ta' abbuż sesswali fuq tali ħaddiema;

X.

billi l-migranti mingħajr dokumenti li jwettqu xogħol domestiku huma f'riskju partikolari li jsofru diskriminazzjoni u li jiġu sfruttati; billi minħabba l-istatus irregolari tagħhom huma joqogħdu lura milli jiddefendu ruħhom u milli jitolbu l-għajnuna għax jibżgħu li jinqabdu u jiġu deportati; billi din is-sitwazzjoni qed tiġi sfruttata minn impjegaturi bla skruplu;

Y.

billi l-ħaddiema migranti nisa bla dokumenti qed jiffaċċjaw livelli inkwetanti ta' diskriminazzjoni, qed jonqsu milli jirrapportaw sitwazzjonijiet ta' abbuż, qed jiffaċċjaw tkeċċija inġusta, inadempjenza tal-pagi u vjolenza minħabba nuqqas ta' għarfien dwar id-drittijiet tagħhom, ostakli bħal dawk lingwistiċi jew għax jibżgħu li jiġu arrestati, jew li jitilfu l-impjieg tagħhom;

Z.

billi n-nisa migranti spiss jiddeċiedu, jew jinġiebu, biex ifittxu impjieg fis-settur tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers, billi dawn il-karigi huma kkunsidrati bħala temporanji b'rekwiżiti baxxi ta' ħiliet;

AA.

billi d-domanda dejjem ikbar għall-għajnuna domestika u għall-għoti ta' kura lit-tfal, għall-persuni b'diżabbiltà u għall-anzjani wasslet għal żieda fil-femminizzazzjoni tal-migrazzjoni lejn l-Ewropa;

AB.

billi l-migranti nisa ta' spiss ikunu mġiegħla jidħlu għal impjiegi illeċiti;

AC.

billi aġenziji terzi huma f'xi każijiet konnessi ma' netwerks ta' traffikar tan-nisa u xogħol furzat jew ma' attivitajiet kriminali oħra li jinvolvu r-reklutaġġ illegali tan-nisa u l-isfruttament tagħhom b'modi differenti; billi d-data tal-Eurostat turi li 80 % tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar huma nisa, li minnhom 19 % huma vittmi ta' sfruttament tax-xogħol, inkluż għal skopijiet ta' xogħol domestiku;

AD.

billi għandha tingħata attenzjoni għat-tħaddim tat-tfal, il-fastidju u ċ-ċaħda estensiva tad-drittijiet tal-ħaddiema fis-settur tax-xogħol domestiku;

AE.

billi l-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol hija pass importanti lejn l-inklużjoni soċjali u kulturali;

AF.

billi l-piż tar-responsabbiltà għax-xogħol tad-dar hu ħafna akbar għan-nisa milli hu għall-irġiel u dan mhuwiex ivvalutat f'termini ta' flus jew f'termini ta' rikonoxximent tal-valur tiegħu; billi hemm korrelazzjoni bejn ir-rata ta' impjieg tan-nisa u r-responsabbiltajiet tagħhom fil-familja; billi iktar minn 20 miljun Ewropew (fosthom, żewġ terzi nisa) jieħdu ħsieb adulti dipendenti, u dan jimpedixxihom milli jeżerċitaw attività professjonali full-time u għalhekk tiżdied id-differenza fil-pagi bejn is-sessi u twassal għal riskju akbar ta' faqar f'età avvanzata għan-nisa li qegħdin joqorbu l-età tal-irtirar;

AG.

billi, minkejja x-xejra magħrufa li kważi 20 % tal-popolazzjoni Ewropea hija ta' aktar minn 65 sena u l-istima li din ir-rata se tilħaq il-25 % sal-2050, madwar 80 % tal-ħin meħtieġ biex tieħu ħsieb persuna anzjana jew għal persuna b'diżabbiltà – jiġifieri diversi ġranet fil-ġimgħa jew kull jum – għadu kopert minn carers informali u/jew carers li huma qraba, u minkejja l-għadd dejjem akbar tal-carers fl-UE, il-kura informali hija fil-biċċa l-kbira provduta min-nisa (ġeneralment il-konjuġi, il-bniet u l-ħtint tal-età tan-nofs) bejn l-etajiet ta' 45 u 75 sena;

AH.

billi l-kriżi naqqsu l-investiment pubbliku fis-settur tal-kura, li obbliga lil ħafna nies, l-aktar nisa, inaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom jew jirritornaw id-dar biex jieħdu ħsieb persuni dipendenti, anzjani, morda jew tfal;

AI.

billi n-numru dejjem akbar ta' persuni anzjani, in-numru dejjem inqas ta' persuni tal-età tax-xogħol, u restrizzjonijiet tal-baġit pubbliku qed ikollhom impatt kbir fuq is-servizzi soċjali u billi dan se jkollu wkoll impatt fuq persuni li jkollhom jikkombinaw ix-xogħol u r-responsabbiltajiet ta' kura, ta' spiss f'ċirkostanzi diffiċli;

AJ.

billi l-kriżi soċjali u finanzjarja laqtet b'mod aħrax liċ-ċittadini u r-residenti tagħha, u aggravat il-prekarjetà tal-impjiegi, il-faqar, il-qgħad u l-esklużjoni soċjali, u wasslet għal aċċess limitat jew l-ebda aċċess għas-servizzi soċjali u pubbliċi;

AK.

billi f'bosta Stati Membri l-mudelli ta' politika attwali għall-kura fit-tul mhumiex adegwati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-soċjetajiet li qed jixjieħu tagħna, u billi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri s'issa ma indirizzawx it-tibdil demografiku b'inizjattivi ta' politika tagħhom;

AL.

billi d-drawwiet, it-tradizzjonijiet u l-forom kollha tal-familja kollha evolvew b'mod konsiderevoli, u dan wassal għall-ħtieġa ta' aktar ħaddiema fis-settur domestiku u inevitabbilment wassal għal ħtiġijiet ġodda ta' kura u appoġġ fi ħdan l-unitajiet domestiċi moderni, speċjalment għan-nisa li jaħdmu barra mid-dar u għall-familji b'ġenitur wieħed;

AM.

billi ħafna persuni dipendenti jgħixu wkoll f'żoni affettwati min-nuqqas ta' servizzi pubbliċi, minn iżolament jew minn ċirkostanzi oħra li jagħmluha diffiċli li jkollhom aċċess għal carers professjonisti jew istituzzjonijiet tal-kura pubbliċi jew privati, u billi dawn id-dipendenti jistgħu jsibu għajnuna biss mingħand carers mhux professjonisti li, ta' spiss iżda mhux dejjem, ikunu membri tal-familja;

AN.

billi numru ta' Stati Membri huma neqsin minn servizz ta' kura ta' kwalità, disponibbli għal kulħadd, indipendenti mid-dħul, jiġifieri s-servizzi jeħtieġ li jkunu aċċessibbli għall-utenti kollha u l-familji tagħhom u bi prezz li jintlaħaq minnhom;

AO.

billi ż-żieda fit-tul tal-listi ta' stennija għal servizzi ta' appoġġ u ta' kura qed iżżid id-dipendenza fuq il-ħaddiema domestiċi u l-carers, u ta' spiss li dawk dipendenti fuq dawn is-servizzi jiġu kkundannati għall-faqar u l-esklużjoni soċjali;

AP.

billi l-għoti ta' protezzjoni adegwata għall-persuni b'diżabbiltà, l-anzjani, il-morda, id-dipendenti jew il-minuri huwa prinċipju fundamentali tal-Unjoni u x-xogħol domestiku u ta' kura huwa settur essenzjali biex jiżgura l-protezzjoni tagħhom;

AQ.

billi d-dritt għal għadd ta' servizzi ta' appoġġ fid-djar, residenzjali jew ibbażati fuq il-komunità, inkluża l-assistenza personali, huwa stabbilit fl-Artikolu 19 u l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà;

AR.

Billi l-ħaddiema domestiċi u l-carers nisa għal but ta' kulħadd għandhom rwol ekonomiku u soċjali peress li jagħtu aktar ħin lil nisa oħrajn prinċipalment, li jippermettulhom isegwu l-karrieri tagħhom u li jgawdu l-ħajja soċjali tagħhom, u jippermettu lill-impjegaturi tagħhom jirrikonċiljaw aħjar il-ħajja professjonali u dik privata, kif ukoll jagħmluha possibbli li bosta persuni jkunu disponibbli fis-suq tax-xogħol;

AS.

billi s-settur huwa importanti fuq il-livell ekonomiku u jipprovdi opportunitajiet ta' impjieg għal proporzjon għoli tal-forza tax-xogħol, partikolarment dawk li għandhom ftit ħiliet;

AT.

billi x-xogħol domestiku u ta' kura huwa settur li joħloq l-impjiegi; billi dawn l-impjiegi għandhom ikunu ta' kwalità, peress li huwa dan ix-xogħol imwettaq mill-ħaddiema f'dan is-settur li jippermetti lil ħafna nies ikunu ekonomikament u soċjalment attivi barra mid-dar;

AU.

billi prattika komuni ħafna, f'xi Stati Membri, biex jiġu impjegati ħaddiema domestiċi u l-carers hi permezz ta' ftehimiet bilaterali bejn il-ħaddiem u s-sid tal-unità domestika jew il-persuna dipendenti, aktar milli permezz ta' mezzi formali bħalma huma strutturi tal-istat jew ditti u intrapriżi;

AV.

billi l-ħaddiema domestiċi u l-carers għandhom id-dritt għal ħajja deċenti, li tqis il-ħtieġa tagħhom li jkollhom l-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol, tal-familja u l-ħajja, speċjalment għal ħaddiema domestiċi li jirrisjedu fil-post fejn jaħdmu, u għandhom igawdu l-istess drittijiet soċjali u tax-xogħol bħal ħaddiema oħra;

AW.

billi l-Konvenzjoni ILO Nru 189 u r-Rakkomandazzjoni Nru 201 dwar Xogħol Deċenti għall-Ħaddiema Domestiċi jirrappreżentaw sett storiku ta' standards internazzjonali mmirati biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' għexieren ta' miljuni ta' ħaddiema domestiċi minn madwar id-dinja; billi ħafna mill-ħaddiema domestiċi huma nisa u l-istandards ġodda stipulati fil-Konvenzjoni ILO Nru 189 huma pass importanti sabiex l-ugwaljanza bejn is-sessi tavvanza fid-dinja tax-xogħol u jiġu żgurati d-drittijiet ugwali għan-nisa u l-protezzjoni skont il-liġi; billi, madankollu, minn 22 Stat li rratifikaw il-Konvenzjoni s'issa, huma biss sitta li huma Stati Membri (il-Belġju, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja u l-Portugall);

AX.

billi l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189 għandha l-għan li tipprovdi rikonoxximent ġuridiku għax-xogħol domestiku, testendi d-drittijiet lill-ħaddiema domestiċi kollha u tipprevjeni l-vjolazzjonijiet u l-abbużi;

AY.

billi 48 stat diġà rratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom (1990) u 18 oħra ffirmawha, iżda sal-ġurnata tal-lum l-ebda Stat Membru tal-UE għadu ma ffirmaha jew irratifikha;

AZ.

billi l-ħaddiema domestiċi u l-carers huma kontributuri importanti għas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, iżda r-rwol tagħhom huwa spiss sottorappreżentat, rappreżentat ħażin, jew assenti jew injorat fid-dibattiti dwar ir-riformi f'dan il-qasam;

BA.

billi l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema domestiċi jew tal-carers ivarjaw ħafna minn Stat Membru għall-ieħor, minn ħaddiema migranti mhux imħallsa biżżejjed, mhux iddikjarati, mhux dokumentati u mingħajr kuntratt, sa xogħol domestiku u kura li jiġu pprovduti bħala servizz soċjali pubbliku jew bħala servizz soċjali privat provdut minn negozji, aġenziji, assoċjazzjonijiet u kooperattivi, jew permezz ta' impjieg dirett minn entitajiet privati;

BB.

billi jaħdmu wkoll irġiel fis-settur tax-xogħol domestiku tal-UE, b'mod partikolari bħala carers, u għalhekk jeħtieġu l-istess protezzjoni u appoġġ sabiex jiġi evitat kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni bbażata fuq sess u jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol, kif rikonoxxut mill-Artikoli 19 u 153 TFUE rispettivament;

BC.

billi l-parti l-kbira tal-impjegaturi b'unitajiet domestiċi ta' ħaddiema domestiċi m'għandhom l-ebda għarfien dwar l-obbligi u d-drittijiet tagħhom;

BD.

billi l-ispezzjoni tax-xogħol spiss ma tkoprix ix-xogħol domestiku minħabba nuqqas ta' monitoraġġ tas-settur f'ħafna Stati Membri;

BE.

billi l-aċċess għall-mekkaniżmi tal-ġustizzja huwa ta' spiss diffiċli għall-ksur tal-liġi tax-xogħol, kif ukoll għall-vittmi ta' abbuż u ta' sfruttament; billi l-biża' ta' iżolament fuq il-post tax-xogħol u diffikultajiet biex ikollhom aċċess għal appoġġ legali jistgħu jkunu ostakli kbar għall-ħaddiema domestiċi u l-migranti li jaħdmu fis-settur tal-kura f'sitwazzjoni irregolari;

BF.

billi d-Direttiva attwali dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (id-Direttiva 89/391/KEE) tkopri l-ħaddiema domestiċi u l-carers formalment impjegati bl-eċċezzjoni ta' ħaddiema impjegati direttament minn unitajiet domestiċi privati;

1.

Jemmen li hemm il-ħtieġa ta' approċċ komuni tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-professjoni u l-valur tax-xogħol domestiku u l-kura bħala xogħol reali, peress li r-rikonoxximent ta' dan is-settur professjonali x'aktarx inaqqas ix-xogħol mhux iddikjarat u jippromwovi l-integrazzjoni soċjali, u għalhekk jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli komuni dwar xogħol domestiku u l-kura;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ b'ġabra ta' strumenti ta' politika, fuq ix-xogħol domestiku u ta' kura, li jistabbilixxu linji gwida ta' kwalità għaż-żewġ setturi; jemmen li tali inizjattivi għandhom jiffokaw fuq:

(a)

l-introduzzjoni ta' qafas ġenerali għall-professjonalizzazzjoni tax-xogħol domestiku u ta' kura, li jwassal għar-rikonoxximent u l-istandardizzazzjoni tal-professjonijiet u l-ħiliet u l-bini ta' karriera rilevanti, inklużi dawk id-drittijiet akkwistati skont l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri;

(b)

il-proposta b'mod urġenti għal Direttiva dwar il-Liv tal-Carers u qafas għar-rikonoxximent tal-istatus tal-carers mhux professjonisti, li joffrulhom remunerazzjoni u standards minimi ta' protezzjoni soċjali waqt il-ħin li jwettqu kompiti ta' kura u appoġġ f'termini ta' taħriġ u azzjonijiet speċifiċi li jgħinuhom itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tagħhom;

3.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni għall-inizjattiva “New start for working parents and caregivers” (bidu ġdid għall-ġenituri li jaħdmu u dawk li jipprovdu l-kura"

4.

Jistieden lill-Istati Membri jeħtieġu kwalifiki professjonali xierqa għal ċerti tipi ta' xogħol domestiku (kura għall-anzjani, it-tfal u l-persuni b'diżabbiltà) li jeħtieġu kompetenzi speċifiċi;

5.

Jemmen li x-xogħol domestiku u s-settur tal-kura u l-professjonalizzazzjoni tiegħu jista' joħloq impjiegi u tkabbir u għalhekk ir-rimunerazzjoni ġusta hija neċessarja; iqis li s-soluzzjonijiet jistgħu jkunu parti minn mudell ta' innovazzjoni soċjali;

6.

Jemmen li l-professjonalizzazzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu f'unitajiet domestiċi ser iżżid il-ġibda lejn is-settur u l-kwalità tas-servizz ipprovdut, u tippromwovi xogħol deċenti u rikonoxxut;

7.

Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tar-rikonoxximent professjonali tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers f'dan is-settur sabiex ikunu pprovduti b'aktar prospetti għall-iżvilupp professjonali, kif ukoll taħriġ speċifiku għall-individwi li jaħdmu mal-anzjani u t-tfal, bil-ħsieb li jiġi promoss il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità li jwasslu għal postijiet tax-xogħol ta' kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, inkluż l-għoti ta' kuntratti formali, l-aċċess għal taħriġ u rikonoxximent soċjali aħjar; jirrikonoxxi l-importanza li jiġu żgurati l-validazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet, kwalifiki u esperjenza miksuba u l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-karriera; iqis li l-istabbiliment ta' korsijiet ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid huwa ta' importanza fundamentali sabiex jintlaħaq dan;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sistemi għall-professjonalizzazzjoni, it-taħriġ, l-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-ħaddiema domestiċi nisa u ta' nisa li jaħdmu fis-settur tal-kura, inkluż il-litteriżmu (jekk applikabbli) biex jittejbu l-prospetti tagħhom għall-iżvilupp personali, professjonali u tal-karriera;

9.

Jitlob lill-Istati Membri, sadanittant, jirregolaw kwalunkwe relazzjoni tax-xogħol bejn is-sidien tal-unitajiet domestiċi – meta jaġixxu bħala impjegaturi – u impjegata/ħaddiema li tipprovdi servizzi bi ħlas fi ħdan l-unità domestika tal-impjegatur;

10.

Jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu qafas legali adattat li jippermetti l-impjieg legali u organizzat ta' ħaddiema domestiċi u ta' carers u li jistabbilixxu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta' dawk ikkonċernati, sabiex tingħata ċertezza tad-dritt kemm għall-ħaddiema f'dan is-settur kif ukoll għall-impjegaturi potenzjali tagħhom; jitlob ukoll li jitqiesu l-partikolaritajiet tal-kuntratt tax-xogħol kif ukoll il-fatt li bosta impjegaturi huma individwi privati li ma tantx huma familjari mal-formalitajiet legali;

11.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni deċiżiva fis-setturi tax-xogħol domestiku u l-kura, li jġibu valur miżjud għoli għall-ekonomija, billi jirrikonoxxu x-xogħol tagħhom bħala xogħol propju u billi jiżguraw drittijiet u protezzjoni soċjali ġenwini tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers permezz ta' leġiżlazzjoni tax-xogħol jew ftehimiet kollettivi;

12.

Jappoġġa l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189 dwar xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi, issupplimentata bir-Rakkomandazzjoni Nru 201, peress li tindirizza b'mod globali l-ħtieġa li l-ħaddiema jkunu koperti mil-liġi tax-xogħol u titlob għalihom drittijiet soċjali, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament indaqs;

13.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jirratifikaw b'mod urġenti l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189, u biex jiġi żgurat li tiġi applikata b'mod rigoruż sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikoli ta' din il-Konvenzjoni tal-ILO u r-Rakkomandazzjoni tal-ILO Nru 201 tal-2011; ifakkar li l-gvernijiet, skont il-Kostituzzjoni tal-ILO, għandhom l-obbligu li jibagħtu l-konvenzjoni u r-rakkomandazzjoni lill-parlament nazzjonali tagħhom sabiex jippromwovu miżuri għall-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti, u li, fil-każ tal-konvenzjoni, il-proċedura ta' sottomissjoni timmira wkoll li tippromwovi r-ratifika;

14.

Jikkunsidra li r-ratifika mill-Istati Membri kollha tkun pass 'il quddiem importanti għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u sinjal politiku b'saħħtu kontra l-forom kollha ta' abbuż, fastidju u vjolenza mwettqa kontra l-ħaddiema kollha u b'mod speċjali l-ħaddiema domestiċi nisa;

15.

Jistieden lill-Istati Membri biex lill-ħaddiema domestiċi u lil carers jinkluduhom fil-liġijiet nazzjonali kollha relatati max-xogħol, il-kura tas-saħħa, il-kura soċjali, l-assigurazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra tirrevedi xi Direttivi tal-UE li jeskludu l-ħaddiema domestiċi u l-carers mid-drittijiet li jgawdu minnhom kategoriji oħra tal-ħaddiema;

16.

Jirrikonoxxi r-riluttanza ta' xi Stati Membri li jilleġiżlaw għall-isfera privata; iqis, madankollu, li nuqqas ta' azzjoni se tkun ta' riskju għoli kemm għas-soċjetà kif ukoll għall-ħaddiema kkonċernati; jenfasizza li t-tkabbir previst tad-domanda għall-ħaddiema fis-settur tal-kura b'mod partikolari fl-unitajiet domestiċi privati jagħmel leġiżlazzjoni bħal din neċessità sabiex il-ħaddiema jkunu protetti bis-sħiħ; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri flimkien mas-sħab soċjali biex jieħdu miżuri biex jipprovdu sistema adegwata u xierqa ta' spezzjoni, konsistenti mal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189, u l-penali adegwati għall-ksur tal-liġijiet u r-regolamenti tas-saħħa u sikurezza okkupazzjonali;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw u jinfurzaw livell xieraq ta' saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol, pereżempju ħarsien tal-maternità, u biex jieħdu azzjoni biex jipprevjenu inċidenti relatati max-xogħol u r-riskji ta' korrimenti u mard okkupazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li dawk li diġà jaħdmu f'dan is-settur itejbu l-istandards permezz ta' taħriġ li jenfasizza l-lat prattiku u skemi ta' taħriġ mill-ġdid; huwa tal-fehma li dan it-taħriġ għandu jinkludi l-immaniġġjar tar-riskji assoċjati ma' kompiti li jinkludu l-qagħda u l-moviment u tar-riskji bijoloġiċi u kimiċi kif ukoll mal-użu ta' teknoloġija assistiva;

18.

Iqis li huwa essenzjali li jiġi miġġieled ix-xogħol prekarju u mhux iddikjarat, peress li dan il-fenomenu jaffettwa b'mod gravi lill-ħaddiema domestiċi b'mod partikolari lill-ħaddiema nisa migranti, u b'hekk jaggrava l-pożizzjoni diġà vulnerabbli tagħhom; Jenfasizza l-importanza tal-eliminazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' tali prattiki, inkluż it-tħaddim tat-tfal; f'dan ir-rigward, jappoġġja l-indirizzar tas-sitwazzjoni prekarja tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers fi ħdan il-qafas tal-Pjattaforma Ewropea kontra x-xogħol mhux iddikjarat; ifakkar li x-xogħol mhux iddikjarat ma jipprovdilhomx bi protezzjoni soċjali u jikkomprometti l-kundizzjonijiet ta' saħħa u sigurtà tagħhom fuq il-post tax-xogħol; jistenna, għalhekk, li l-pjattaforma Ewropea kontra x-xogħol mhux iddikjarat li tipprevjeni u tiskoraġġixxi x-xogħol mhux iddikjarat, peress li l-ekonomija mhux iddikjarata thedded is-sigurtà tax-xogħol, taffettwa l-kwalità tal-kura u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' ħafna carers mhux iddikjarati, tpoġġi s-sostenibbiltà tas-sistema tas-servizz soċjali f'riskju u tnaqqas l-introjtu mit-taxxa għall-kaxxa tal-istat;

19.

Jistieden lill-Istati Membri jinvestu f'aktar modi u modi aħjar ta' prevenzjoni, kxif u ġlieda kontra l-ammont konsiderevoli ta' impjieg mhux iddikjarat fis-settur tax-xogħol domestiku u l-kura, speċjalment fir-rigward tal-każijiet ta' traffikar tal-bnedmin u l-abbuż tax-xogħol u dawk li jinvolvu kumpaniji li jipprovdu servizzi domestiċi u ta' kura li jużaw l-impjieg indipendenti mhux iddikjarat u fittizju, biex ikunu protetti l-ħaddiema u tkun promossa t-tranżizzjoni minn xogħol mhux iddikjarat għal xogħol iddikjarat permezz ta' protezzjoni aħjar u aktar mekkaniżmi u aktar razzjonalizzati għall-kontroll u l-ispezzjoni tax-xogħol;

20.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw id-disponibilità ta' mezzi legali ta' migrazzjoni lejn l-UE u biex jiġu introdotti programmi ta' migrazzjoni legali u mmirata; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jistabbilixxu ftehimiet bilaterali ma' dawk l-Istati li l-istatistika turi li huma pajjiżi ta' oriġini tal-ħaddiema domestiċi u l-carers, sabiex jirregolarizzaw il-fluss mittenti u riċeventi, biex b'dan il-mod jgħinu fil-ġlieda kontra t-traffikar u x-xogħol furzat għan-netwerks, izda jiskoraġġixxu, madankollu, il-fenomenu tad-dumping soċjali; jistieden lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Immigranti Kollha u tal-Membri tal-Familja Tagħhom adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Diċembru 1999;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu skemi ta' regolarizzazzjoni abbażi tal-lezzjonijiet miksuba minn esperjenzi fil-passat bħala mezz biex titnaqqas l-espożizzjoni tal-ħaddiema migranti f'sitwazzjoni irregolari għall-isfruttament u l-abbuż; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jipproteġu ħaddiema domestiċi u l-carers mhux iddikjarati meta jiddeċiedu li joħorġu miċ-ċirku vizzjuż tax-xogħol “moħbi”;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-investigazzjoni ta' każijiet ta' traffikar għall-isfruttament tal-bniedem, u b'mod aktar speċifiku għax-xogħol domestiku, biex itejbu l-mekkaniżmi ta' identifikazzjoni u protezzjoni ta' dawn il-vittmi u biex jinvolvu lill-NGOs, it-trejdjunjins, l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini kollha fil-proċess tal-iskoperta ta' traffikar u ta' forom gravi ta' sfruttament;

23.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jestendu l-istrumenti u l-mekkaniżmi stabbiliti għall-indirizzar tat-traffikar, bħall-mekkaniżmi ta' referenza jew permessi ta' residenza temporanja, u biex jiġu riveduti bil-ħsieb li jitwessa' l-ambitu ta' applikazzjoni tagħhom għal każijiet ta' sfruttament gravi li ma jinvolvux it-traffikar;

24.

Jistieden lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189, jistabbilixxu mekkaniżmi għall-ilmenti effettivi u aċċessibbli u mezzi ħalli tiġi żgurata l-konformità mal-liġijiet u regolamenti nazzjonali għall-protezzjoni tal-ħaddiema domestiċi; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri għall-ispezzjonijiet tax-xogħol, l-infurzar u l-penali b'rispett xieraq għall-karatteristiċi speċjali tax-xogħol domestiku, skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali; jitlob li, sa fejn ikun kompatibbli mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali, dawn il-miżuri jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li skonthom jista' jingħata aċċess għall-unitajiet domestiċi, b'rispett xieraq għall-privatezza; jitlob lill-Istati Membri, f'konformità mar-regolamenti nazzjonali, li jikkunsidraw mekkaniżmi biex jindirizzaw b'mod effettiv l-abbużi, bħall-ispezzjonijiet interni f'każijiet fejn hemm raġunijiet għal suspett ta' abbuż;

25.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' spezzjonijiet ta' kontroll, monitoraġġ u superviżjoni tal-impjieg tal-ħaddiema domestiċi nisa u tal-ħaddiema nisa fis-settur tal-kura, amministrati minn kumpaniji jew aġenziji ta' impjieg u jappella għall-ħtieġa li jiżdied in-numru ta' spetturi tal-gvern u tal-ispezzjonijiet għall-verifika tal-konformità mal-liġi;

26.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iżidu l-ispezzjonijiet, u biex isibu metodi innovattivi ta' spezzjoni li jirrispettaw il-privatezza, speċjalment rigward djar privati meta l-ispetturi ma jistgħux jidħlu mingħajr awtorizzazzjoni minn qorti, u biex jinformaw u jagħtu taħriġ lill-ispetturi sabiex jeliminaw it-trattament ħażin, l-isfruttament, inkluż l-isfruttament finanzjarju, u l-atti ta' vjolenza jew abbuż sesswali kontra ħaddiema domestiċi;

27.

Jistieden lill-Istati Membri jorganizzaw kampanji biex tittejjeb il-viżibbiltà u jittejjeb l-għarfien tal-benefiċċji tax-xogħol domestiku u ta' kura regolarizzat fost il-pubbliku ġenerali u l-korpi privati, bil-ħsieb li tingħata dinjità lill-professjoni u jiġi rikonoxxut ir-rwol importanti u l-kontribut tal-ħaddiema domestiċi nisa u tal-ħaddiema nisa fis-settur tal-kura għall-funzjonament tas-soċjetà; fl-istess ħin, jistieden lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza dwar l-eżistenza tal-isfruttament estrem f'unitajiet domestiċi privati billi jistabbilixxu l-għan ta' tolleranza żero fir-rigward tal-isfruttament ta' dawn il-ħaddiema;

28.

Jistieden lill-Istati Membri jniedu kampanji biex iqajmu kuxjenza dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ħaddiema domestiċi u l-ħaddiema fis-settur tal-kura u l-impjegaturi u r-riskji u l-impatt ta' sfruttament fis-settur tax-xogħol domestiku, u jippromwovu r-rikonoxximent tax-xogħol domestiku u ta' kura; jissuġġerixxi lill-Istati Membri li jiżviluppaw programmi ta' pjan direzzjonali;

29.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw u jtejbu, f'kollaborazzjoni mas-sħab soċjali, mezzi ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers kif ukoll jiżguraw l-ogħla aċċessibbiltà ta' informazzjoni għall-ħaddiema kollha; jirrakkomanda, għal dan il-għan, li jiġu stabbiliti punti ta' informazzjoni, fuq il-bażi tal-aħjar prattika fl-Istati Membri, fil-livell reġjonali u lokali, linji telefoniċi għall-għajnuna u siti web li jipprovdu assistenza, informazzjoni wkoll fil-forma ta' kampanji dwar id-drittijiet tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers f'kull Stat Membru bil-lingwa nazzjonali u lingwi oħra xierqa; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħal organizzazzjonijiet li jaħdmu f'isem in-nisa u migranti għandhom ukoll ikunu jistgħu jipprovdu din l-informazzjoni; jirrimarka li dawn l-għodod għandhom jiġu żviluppati wkoll b'mod li jippermettu l-aħjar prattika, pariri u gwida rilevanti li għandha tingħata lill-impjegaturi possibbli, inklużi familji u aġenziji u li għandhom jiġu offruti mudelli ta' kuntratti ta' impjieg sabiex jiġi żgurat li l-impjegaturi jwettqu r-responsabbilitajiet tagħhom;

30.

Jappella għal azzjoni riġida kontra kumpaniji fi kwalunkwe settur, li l-mudell kummerċjali tagħhom huwa bbażat fuq l-isfruttament ta' ħaddiema f'sitwazzjoni irregolari, sabiex in-nefqa tal-operat tinżamm baxxa kemm jista' jkun, biex jimmassimizzaw il-profitti u biex kumpaniji legali jinqatgħu mill-kompetizzjoni;

31.

Jenfasizza r-rwol importanti li t-trejdjunjins jistgħu jwettqu fl-organizzar u l-informar tal-ħaddiema dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom; jinnota li dan huwa mod kif il-ħaddiema domestiċi jiġu rappreżentati b'leħen wieħed, biex ikunu jistgħu jinnegozjaw kollettivament il-kuntratti tagħhom u jiddefendu d-drittijiet u l-interessi tagħhom;

32.

Jitlob għal rappreżentanza tajba tas-sħab soċjali fil-livelli Ewropej u nazzjonali, u b'mod partikolari t-trejdjunjins, sabiex jintensifikaw il-ftehim kollettiv settorjali skont il-prattiki nazzjonali sabiex ikunu avvanzati u inforzati b'mod effettiv kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti f'dawn is-setturi; jitlob ukoll għal rappreżentanza tajba ta' organizzazzjonijiet professjonali, organizzazzjonijiet li jaħdmu ma' u f'isem il-ħaddiema domestiċi u l-carers u organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn tas-soċjetà ċivili u li jiġi żgurat li jkunu kompletament konxji mill-isfidi tal-ħarsien tad-drittijiet tax-xogħol tan-nisa impjegati bħala ħaddiema domestiċi jew carers;

33.

Jiddispjaċih li l-ħaddiema domestiċi nisa u ta' ħaddiema nisa fis-settur tal-kura għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fl-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins ta' Stati Membri differenti u jħeġġeġ biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta' dawn il-ħaddiema fit-trejdjunjins;

34.

Jenfasizza wkoll l-importanza tar-raggruppament tal-impjegaturi f'federazzjonijiet jew f'tipi oħra ta' organizzazzjonijiet fil-livell nazzjonali, għax iqis li mingħajr tali organizzazzjonijiet tal-impjegatur, l-isforzi biex ikun leġittimat ix-xogħol domestiku u ta' kura, kif ukoll biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-attrazzjoni ta' dawn l-impjiegi, se jkun għalxejn;

35.

Jinnota li l-impjegaturi b'unità domestika privata għandhom rwol primordjali li għandhom jassumu fl-osservanza tal-istandards u d-drittijiet xierqa ta' xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti għandha tkun disponibbli għall-impjegatur u għall-impjegati;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi meħtieġa biex timmonitorja u tiddokumenta aħjar lill-professjoni vulnerabbli u sottovalutata tal-ħaddiema domestiċi u l-carers u biex tipproponi azzjonijiet biex jiġi indirizzat dan il-fenomenu;

37.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-aġenziji kompetenti Ewropej biex iwettqu studju li jqabbel sistemi differenti ta' xogħol domestiku regolarizzat u biex jiġbru data fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri; huwa tal-fehma li din id-data għandha tintuża fi skambju ta' prattiki tajbin fost l-Istati Membri, sabiex, b'mod partikolari tkun ottimizzata l-ġlieda kontra l-isfruttament tal-ħaddiema domestiċi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tniedi studju dwar il-kontribut tal-carers u tal-ħaddiema domestiċi lis-sistemi tal-protezzjoni soċjali tal-Istati Membri u l-ekonomiji;

38.

Jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aqwa prattiki fost l-Istati Membri sabiex jissaħħu l-azzjonijiet u l-impatti;

39.

Jemmen li l-adozzjoni u l-aġġustament tal-aħjar prattiki minn ċerti Stati Membri jistgħu jwasslu għal forom ta' impjieg regolari għall-ħaddiema domestiċi u l-carers;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiġbru, janalizzaw u jippubblikaw data statistika affidabbli maqsuma skont l-età, is-sess u n-nazzjonalità sabiex ikunu possibbli diskussjonijiet infurmati filwaqt li jkunu mfittxija l-aqwa soluzzjonijiet dwar kif jiġi professjonalizzat is-settur tax-xogħol domestiku u jitlob li l-EUROFOUND u l-OSHA jkollhom il-kompitu li joħolqu metodi biex jipprovdu protezzjoni, jitressqu l-ilmenti u jqajmu kuxjenza;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkludi diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni tas-setturi tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers fl-aġenda tal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO);

42.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri meta jkunu qed jirrevedu u jipproponu atti legali rilevanti jew leġiżlazzjoni nazzjonali rispettivament biex jiżguraw li qed jitqiesu l-interessi tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers filwaqt li jirrispettaw il-kompetenzi nazzjonali;

43.

Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni soċjali u ekonomiċi kbar tal-membri tal-familja li jaġixxu bħala carers u loluntiera (kura informali) u r-responsabbiltajiet dejjem akbar tagħhom bit-tnaqqis fil-provvista tas-servizzi jew biż-żieda fl-ispejjeż ta' dawn;

44.

Jinnota li hemm żieda fin-numru ta' persuni li qed jgħixu taħt kura istituzzjonalizzata għal perijodu twil u aktar esklużjoni soċjali tal-persuni b'diżabbiltà fl-UE, li huwa ksur dirett tal-impenji tal-UE taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà u l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabbiltà 2010-2020;

45.

Jemmen li għandu jingħata inkoraġġiment lill-iżvilupp ta' arranġamenti sussidjati għal kura fid-dar li jippermettu lill-persuni b'diżabbiltà li jgħixu indipendentament u li jagħżlu l-professjonisti kwalifikati li ser jieħdu ħsiebhom fi djarhom stess, b'mod partikolari f'każijiet ta' diżabbiltà gravi;

46.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw aċċess usa' għal kura tat-tfal faċilment disponibbli u bi prezz raġonevoli u ta' kwalità għolja, kura tal-persuni b'diżabbiltà u l-faċilitajiet ta' kura tal-anzjani, biex b'hekk jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-raġunijiet biex dawn id-dmirijiet jitwettqu fuq bażi informali jew prekarja u jittejjeb ir-rikonoxximent tal-valur tax-xogħol magħmul minn dawk li jagħtu l-kura b'mod professjonali; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżviluppaw servizzi li jappoġġjaw carers formali jew informali tal-familja;

47.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu r-reklutaġġ fis-servizzi tal-kura soċjali u jaħdmu biex iżidu l-attraenza tas-settur bħala għażla ta' karriera vijabbli;

48.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fil-ħolqien ta' impjiegi stabbli u ta' kwalità għolja fis-settur tax-xogħol domestiku u ta' kura, inkluż permezz ta' fondi tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI);

49.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu u jippromwovu soluzzjonijiet innovattivi u investiment fis-servizzi soċjali u tas-saħħa, li għandhom potenzjal kbir għall-ħolqien tax-xogħol, huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-soċjetajiet li qed jixjieħu tagħna u t-tibdil demografiku b'mod ġenerali, kif ukoll huma neċessarji biex jiġu evitati l-konsegwenzi soċjali negattivi tal-kriżi;

50.

Jitlob lill-Kummissjoni biex isir skambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattika mill-assoċjazzjonijiet u l-kooperattivi ta' ħaddiema domestiċi u ħaddiema fis-settur tal-kura li huma parti minn mudelli tal-ekonomija soċjali fl-UE;

51.

Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-ħolqien ta' kooperattivi tal-ħaddiema fis-setturi tal-kura u servizzi fl-unitajiet domestiċi, b'attenzjoni speċjali għaż-żoni rurali, minħabba l-effetti pożittivi li dan se jkollu fuq il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli, speċjalment għal dawk il-ħaddiema li għandhom diffikultà sabiex jintegraw fis-suq tax-xogħol;

52.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ħaddiema domestiċi ta' età żgħira ma jabbandunawx l-iskola sabiex jibdew jaħdmu;

53.

Jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol, jistieden ukoll lill-Istati Membri jimplimentaw din id-Direttiva b'mod konsistenti;

54.

Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw inċentivi li jinkoraġixxu l-użu ta' ħaddiema domestiċi u carers ddikjarati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw sistemi sempliċi ta' dikjarazzjoni sabiex jiġi skoraġġut u indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat, kif irrakkomandat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-opinjoni tiegħu dwar l-iżvilupp tas-servizzi għall-familja biex ir-rata tal-impjiegi tiżdied u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fix-xogħol (SOC/508); jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri, fuq il-linji ta' mudelli ta' suċċess li ġġeneraw impatt soċjali fuq is-settur f'termini soċjali u tax-xogħol pereżempju l-“vawċers għas-servizz” introdotti mill-Belġju jew “iċ-ċekk ta' xogħol ta' servizz universali (CESU)” fi Franza;

55.

Jemmen li jkun utli li l-leġiżlazzjoni tiġi adattata biex toħloq arranġamenti kuntrattwali flessibbli bejn il-ħaddiema domestiċi u l-carers u l-impjegaturi fl-unitajiet domestiċi, sabiex iż-żewġ partijiet ikunu jistgħu jużaw/joffru servizzi domestiċi bl-aħjar konvenjenza tagħhom, filwaqt li jiġi ggarantit il-ħarsien tal-ħaddiema;

56.

Jirrakkomanda lill-Istati Membri li regolamentazzjoni ċara għal impjieg legali ta' ħaddiema domestiċi u carers għandha tkun appoġġjata minn inċentivi għal ħaddiema domestiċi kif ukoll l-impjegaturi potenzjali tagħhom biex jagħżlu l-forma legali ta' impjieg; jitlob ukoll lill-Istati Membri biex jeliminaw l-ostakoli legali li bħalissa qed jillimitaw b'mod konsiderevoli l-impjieg dirett u ddikjarat ta' impjegati mill-familji;

57.

Itenni l-appell tal-Parlament għal djalogu settorjali strutturat fis-settur tal-prestazzjoni tal-kura (17);

58.

Jistieden lill-Istati Membri li jqiegħdu l-au pairs mill-UE u dawk mhux mill-UE fuq l-istess livell billi jagħtuhom permess konġunt ta' residenza/xogħol li jispeċifika l-ħinijiet tax-xogħol, it-tip ta' kuntratt u t-termini tal-ħlas; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-ftehim tal-Kunsill tal-Ewropea dwar il-kollokament au pair; jitlob li l-Istati Membri jtejbu s-sistema ta' akkreditazzjoni u l-mekkaniżmi ta' kontroll għall-aġenziji au pair;

59.

Ifakkar fil-ħtieġa li l-au pairs jingħataw rikonoxximent formali, b'konformità mal-Ftehim Ewropew dwar il-Kollokament Au Pair u għal żieda fl-ispezzjonijiet sabiex dawn ma jsirux sostitut informali u rħis għall-ħaddiema domestiċi u l-ħaddiema fis-settur tal-kura;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-ħaddiema domestiċi u l-carers fl-Ewropa jkunu vvalutati bħala bnedmin u jkunu kapaċi jkollhom bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inkluż li jkunu koperti mid-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol (2003/88/KE), sabiex l-impjegati jkollhom perjodi ta' mistrieħ essenzjali u ma jiġux sforzati jaħdmu sigħat eċċessivi;

61.

Jitlob lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja, peress li dan ikollu l-benefiċċju li jappoġġja lin-nisa biex jibqgħu f'impjieg imħallas u jnaqqas id-differenza futura bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa;

62.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-ħaddiema domestiċi u l-carers jirċievu kontribuzzjonijiet tal-pensjoni f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

63.

Jistieden lill-Istati Membri b'paga minima nazzjonali sabiex jiżguraw li l-ħaddiema domestiċi u l-carers kollha jitħallsu b'din ir-rata bħala minimu;

64.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-ILO.


(1)  ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 39.

(3)  ĠU C 77 E, 28.3.2002, p. 138.

(4)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.

(5)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2015)0218.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2015)0050.

(8)  ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 21.

(9)  Testi adottati, P7_TA(2014)0068.

(10)  ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 9.

(11)  SOC/372 – CESE 336/2010 fin.

(12)  ĠU L 32, 1.2.2014, p. 32.

(13)  ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 128.

(14)  Il-ħaddiema domestiċi madwar id-dinja: Statistika reġjonali u globali u l-livell ta' protezzjoni legali, l-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol, Ġinevra: ILO, 2013.

(15)  Ibidem.

(16)  Ibidem.

(17)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 (ĠU C 75, 26.2.2016, p. 130).


21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/44


P8_TA(2016)0204

L-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali (2015/2007(INI))

(2018/C 066/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, adottati fir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fl-1995, u b'mod partikolari l-qasam ta' tħassib “In-Nisa u l-Midja”,

wara li kkunsidra d-dokument li rriżulta mit-23 Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-2000, li fih it-Teknoloġiji tal-Informatika u tal-Komunikazzjoni (TIK) huma rikonoxxuti bħala kisbiet li jippreżentaw opportunitajiet ġodda għall-għoti ta' setgħa lin-nisa, iżda li jġibu magħhom ukoll riskji potenzjali;

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Ġinevra adottati matul l-ewwel fażi tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS) li seħħ f'Ġinevra fl-2003;

wara li kkunsidra l-Impenn ta' Tunis u l-Aġenda ta' Tunis għas-Soċjetà tal-Informazzjoni, li tiddeskrivi l-mekkaniżmi finanzjarji u internazzjonali għall-implimentazzjoni tal-aġendi tad-WSIS li ġew adottati matul it-tieni fażi tad-WSIS f'Tunis mis-16 sat-18 ta' Novembru 2005,

wara li kkunsidra r-referenzi għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi fid-Dikjarazzjoni dwar l-Implimentazzjoni tar-Riżultati tad-WSISu l-Viżjoni tad-WSIS+10 għad-WSIS Lil Hinn mill-2015 relatata,

wara li kkunsidra r-riżultati tal-Forum tad-WSIS li seħħ mill-25 sad-29 ta' Mejju 2015 f'Ġinevra dwar “Innovating Together: Enabling ICTs for Sustainable Development” (“Ninnovaw Flimkien: Nippermettu t-TIK għall-Iżvilupp Sostenibbli”), li fihom ħadet sehem delegazzjoni mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

wara li kkunsidra l-Linji ta' Azzjoni tad-WSIS tal-2014, li ngħaqdu mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) biex jissaħħu s-sinerġiji bejn dawn l-istrateġiji globali, inkluża l-azzjoni li ssaħħaħ u tippromwovi l-inklużjoni soċjali, ekonomika u politika ta' kulħadd, irrispettivament mill-età, id-diżabilità, il-karatteristiċi ġenetiċi, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, ir-razza, l-oriġini soċjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, jew l-istatus ekonomiku jew kwalunkwe status ieħor sal-2030,

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015 (SEC(2010)1079), li tinkludi għadd ta' azzjonijiet b'rabta man-nisa u l-Internet, partikolarment fir-rigward tat-TIK, u r-rieżami ta' nofs it-term tal-Istrateġija,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015 (1),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-għoti ta' setgħa lill-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-UE (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bl-isem “EWROPA 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) ta' Ġunju 2014 dwar “In-nisa u l-ekonomija: Indipendenza ekonomika mill-perspettiva tal-impjieg part-time u l-impjieg indipendenti”, fejn ġie ddikjarat li “L-Istrateġija Ewropa 2020 tidentifika għadd ta' oqsma prijoritarji għat-tkabbir, inkluż fis-settur tas-saħħa u dawk tax-xjenza u t-teknoloġija. Sabiex jiġi sfruttat b'mod sħiħ il-potenzjal tat-tkabbir tal-Ewropa f'dawn l-oqsma, huwa importanti li jingħelbu l-istereotipi tas-sessi u hija importanti l-ġlieda kontra s-segregazzjoni edukattiva u okkupazzjonali”,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE (5),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-Aġenda Diġitali għat-Tkabbir, il-Mobilità u l-Impjieg (6), u b'mod partikolari l-Gran Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali,

wara li kkunsidra l-Azzjoni 60 tal-Aġenda Diġitali, dwar it-tħeġġiġ tan-nisa biex jaqbdu karrieri fit-TIK u biex jiżdied il-proporzjon tan-nisa fis-settur tat-TIK,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015)0192),

wara li kkunsidra l-Pilastru II tal-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar Suq Uniku Diġitali, li għandu l-għan li joħloq l-kundizzjonijiet adegwati u sitwazzjoni u ambjent ekwi biex jiġu żviluppati netwerks diġitali u servizzi innovattivi, u l-Pilastru III, li jappoġġa soċjetà diġitali inklużiva li fiha ċ-ċittadini jkollhom il-ħiliet adegwati biex japprofittaw mill-opportunitajiet li jġib miegħu l-Internet u jagħtu spinta lill-possibilitajiet tagħhom li jiksbu impjieg,

wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku C tal-Parlament Ewropew bl-isem “Empowering women on the Internet”(“L-għoti ta' setgħa lin-Nisa fuq l-Internet”), ippubblikat fl-2015,

wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 (7) dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u nondiskriminazzjoni,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, u b'mod aktar speċifiku l-għanijiet tagħha dwar “In-Nisa u l-Mezzi tax-Xandir”, fejn titlob biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u l-aċċess tan-nisa għall-espressjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet fi u permezz tal-mezzi tax-xandir u t-teknoloġiji l-ġodda ta' komunikazzjoni kif ukoll li tiġi promossa rappreżentazzjoni bbilanċjata u mingħajr sterjotipi tan-nisa fil-mezzi tax-xandir,

wara li kkunsidra l-“European Code of Best Practices for Women and ICT” (“Il-Kodiċi Ewropew tal-Aħjar Prattiki għan-Nisa u t-TIK”) tal-Kummissjoni, tal-2013,

wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond tiegħu tal-2012, bit-titolu “Women in ICT” (“In-Nisa fit-TIK”),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA bl-isem “Il-vjolenza fuq in-nisa – stħarriġ madwar l-UE kollha. Riżultati ewlenin”, ippubblikat f'Marzu 2014,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (8),

wara li kkunsidra L-istrateġija tal-UE lejn il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin 2012-2016 tal-Kummissjoni u r-rapport ta' nofs it-term tagħha dwar l-implimentazzjoni tagħha ta' dik l-istrateġija,

wara li kkunsidra ċ-Ċiklu ta' Politika tal-UE għall-Kriminalità Internazzjonali Organizzata u Serja, li beda fl-2014, u l-qasam ta' prijorità tat-traffikar tal-bnedmin,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0048/2016),

A.

billi d-diġitalizzazzjoni rrivoluzzjonat u bidlet b'mod fundamentali l-mod li bih il-persuni jaċċedu u jipprovdu l-informazzjoni, jikkomunikaw, jissoċjalizzaw, jistudjaw u jaħdmu, filwaqt li qed toħloq opportunitajiet ġodda biex jieħdu sehem f'diskussjonijiet pubbliċi u politiċi, edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, u qed tiftaħ prospetti ġodda għal ħajja ta' awtodeterminazzjoni u għandha potenzjal ekonomiku enormi għall-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha; billi d-diġitalizzazzjoni ma tolqotx biss is-swieq iżda s-soċjetà kollha kemm hi;

B.

billi s-soċjetà tal-informazzjoni, xprunata mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (TIK), iġġib magħha opportunitajiet enormi biex jiġi ġġenerat u mxerred il-ġid u l-għarfien, kif muri pereżempju mill-industrija tas-softwer bla ħlas u minn sors miftuħ, li biddlet il-mod kif is-softwer jiġi prodott, distribwit, appoġġjat u wżat, u dan jippermetti inklużività diġitali aktar għanja; billi d-diġitalizzazzjoni barra minn hekk fiha opportunitajiet għal użu aktar flessibbli u diversifikat tal-ħin u l-ispazju lejn mudelli aktar ekwi għas-soċjetà; billi, fl-istess ħin, id-diġitalizzazzjoni tas-suq tax-xogħol tista' toħloq dimensjonijiet ġodda ta' esklużjoni, pereżempju r-riskju ta' segregazzjoni ekonomika, soċjali, kulturali u bejn is-sessi;

C.

billi 9 % biss tal-iżviluppaturi fl-Ewropa huma nisa, 19 % biss tal-kapijiet fis-setturi tat-TIK u l-komunikazzjoni huma nisa (meta mqabbel ma' 45 % f'setturi tas-servizzi oħra) u n-nisa jirrappreżentaw biss 19 % tal-imprendituri (meta mqabbel ma' 54 % f'setturi tas-servizzi oħra) (9);

D.

billi dawn l-iżviluppi għandhom potenzjal qawwi għall-emanċipazzjoni tan-nisa, billi jippermettu l-aċċess għal informazzjoni u għarfien lil hinn minn mezzi konvenzjonali, u jipprovdu pjattaforma ta' espressjoni, li tista' tispira lill-oħrajn biex jieħdu azzjoni, biex b'hekk jinfetħu opportunitajiet ġodda għall-interazzjoni u biex issir kampanja bl-għan li jiġu difiżi id-drittijiet u l-libertà tan-nisa, il-bniet u l-persuni LGBTI imma wkoll tal-persuni bi bżonnijiet speċifiċi, bħal dawk b'diżabilità; billi l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fis-soċjetà tal-informazzjoni mhijiex biss kwistjoni ta' ġustizzja u ugwaljanza, iżda se tikkontribwixxi wkoll għal titjib tal-kondizzjonijiet soċjali u ekonomiċi fis-soċjetà u għall-kompetittività tal-UE;

E.

billi hemm differenza sinifikanti bejn is-sessi fl-aċċess għal opportunitajiet edukattivi u professjonali fir-rigward tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-ħiliet tal-informatika; billi d-diġitalizzazzjoni għandha impatt qawwi fuq il-konsum u d-distribuzzjoni tal-midja, notevolment għall-utenti aktar żgħażagħ, li jiftaħ kanali ġodda u li jippermetti li jkun hemm pajsaġġ inqas ġerarkiku tal-midja; billi d-diġitalizzazzjoni tista' tiffaċilita iżda wkoll toħloq sfidi ġodda għall-għoti tas-setgħa lin-nisa permezz tad-distribuzzjoni ta' immaġni negattivi, degradanti u sterjotipata tan-nisa;

F.

billi l-kanali ta' komunikazzjoni diġitali u n-netwerks soċjali huma partikolarment importanti għall-ġenituri bil-leave tal-ġenituri u persuni li jaħdmu mid-dar;

G.

billi d-diġitalizzazzjoni għandha impatt enormi fuq is-suq tax-xogħol billi tibdel il-katini ta' valur u toħloq opportunitajiet ġodda ta' impjieg u ritmi tax-xogħol iktar flessibbli; billi opportunitajiet għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli u tat-telexogħol dovuti għad-diġitalizzazzjoni jistgħu jservu bħala għodda importanti biex jiġi żgurat bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel; billi dawn l-arranġamenti ta' xogħol flessibbli jista' jkollhom rwol pożittiv biex jikkontribwixxu għall-inklużjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi żvantaġġjati ta' nisa; billi, madankollu, hemm konsegwenzi negattivi possibbli li jistgħu jaffettwaw b'mod partikolari lin-nisa, bħalma huma l-erożjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-limiti tal-ħin tax-xogħol u l-limiti relatati mar-responsabilitajiet professjonali u mhux professjonali, u dan iżid it-tipi ta' impjiegi b'paga baxxa u anqas sikuri;

H.

billi t-titjib tal-ħiliet diġitali u l-litteriżmu fl-IT jippreżenta opportunità unika biex tiżdied l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa u tal-bniet, kif ukoll tan-nies bi bżonnijiet speċjali, bħalma huma l-persuni b'diżabilità; billi ż-żieda fin-numru ta' nisa fis-settur tat-TIK, li huwa wieħed mis-setturi bl-ogħla pagi, tista' tikkontribwixxi għat-tisħiħ u l-indipendenza finanzjarja tagħhom, li jirriżulta fit-tnaqqis fid-differenzi totali tal-pagi bejn is-sessi;

I.

billi, fis-suq tax-xogħol diġitalizzat, ir-responsabilità qed titneħħa dejjem iktar minn idejn il-kumpanija u tingħata lill-individwu, u dan ibiddel it-termini tas-sħubija għas-sigurtà soċjali tal-persuni li jaħdmu għal rashom u tal-freelancers; billi d-deċiżjonijiet politiċi jifformaw b'mod ċar ir-riżultat ta' dawn il-bidliet;

J.

billi, fil-każ ta' kuntratti individwali multipli fi ħdan diversi kumpaniji u istituzzjonijiet, il-monitoraġġ tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post tax-xogħol, li għandu importanza mill-akbar għal soċjetà verament ugwali, joħloq sfida ikbar;

K.

billi d-dħul ta' iktar nisa fis-settur tat-TIK isaħħaħ suq li fih hija prevista skarsezza ta' ħaddiema u li fih il-parteċipazzjoni indaqs tan-nisa twassal għal żieda ta' madwar EUR 9 biljun ta' PDG tal-UE kull sena; billi n-nisa huma wisq sottorappreżentati fil-programmi ta' lawrji tat-TIK, fejn dawn jikkostitwixxu biss madwar 20 % tal-gradwati fil-qasam, b'3 % biss tal-gradwati nisa li għandhom diploma fit-TIK; billi n-nisa jiffaċċjaw ħafna diffikultajiet biex jintegraw u jibqgħu fis-settur tat-TIK; billi l-ambjent tax-xogħol iddominat mill-irġiel, bi 30 % biss tal-forza tax-xogħol li huma nisa, jikkontribwixxi għax-xejra ta' ħafna nisa li jitilqu mis-settur tat-TIK fi żmien ftit snin wara li jlestu l-lawrji universitarji tagħhom;

L.

billi skont l-estimi tal-istudju “Women active in the ICT sector” (“Nisa attivi fis-settur tat-TIK”) se jkun hemm 900 000 impjieg vakanti fis-settur tat-TIK fl-Ewropa sal-2020; billi s-settur tat-TIK qed jikber b'pass mgħaġġel, u joħloq madwar 120 000 impjieg ġdid kull sena;

M.

billi s-settur tat-TIK huwa kkaratterizzat minn segregazzjoni vertikali u orizzontali partikolarment għolja, kif ukoll minn distakk bejn il-kwalifiki edukattivi tan-nisa u l-pożizzjoni tagħhom fis-settur tat-TIK; billi anqas minn 20 % tal-imprendituri tat-TIK huma nisa; billi l-maġġoranza (54 %) tan-nisa f'impjiegi tat-TIK jokkupaw pożizzjonijiet inqas imħallsa u li jirrikjedu ħiliet ta' livell aktar baxx, u għadd żgħir biss minnhom (8 %) jokkupaw pożizzjonijiet fl-inġinerija tas-softwer li jirrikjedu ħiliet ta' livell għoli; billi n-nisa huma wkoll sottorappreżentati fit-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan dan is-settur, fejn 19,2 % biss tal-impjegati fis-settur tat-TIK għandhom kapijiet nisa, meta mqabbla ma' 45,2 % tal-impjegati f'setturi oħra;

N.

billi n-nisa ta' 55 sena u aktar jinsabu f'riskju partikolari ta' qgħad u inattività fis-suq tax-xogħol, fejn ir-rata medja ta' impjieg tal-UE fost in-nisa ta' età ta' bejn il-55 u l- 64 senali hija biss ta' 42 %, meta mqabbel ma' 58 % għall-irġiel; billi livell baxx ta' litteriżmu fl-IT u ħiliet elettroniċi jkompli jkabbar dan ir-riskju; billi t-titjib u l-investiment fil-kompetenzi diġitali tan-nisa ta' 55 sena u aktar għandhom isaħħu l-opportunitajiet ta' impjieg tagħhom u joffru livell ta' protezzjoni kontra l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol;

O.

billi l-impatt tas-sessiżmu u tal-isterjotipi tas-sessi huma ostaklu għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u huma ta' piż għall-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività tal-UE, billi jwessgħu ulterjorment id-differenzi diġitali bejn is-sessi li diġà huma sinifikanti fl-oqsma tat-TIK, il-midja u industriji relatati; billi l-isterjotipi tas-sessi jagħmluha diffiċli biex in-nisa jiżviluppaw bis-sħiħ il-kapaċitajiet tagħhom bħala utenti, innovaturi u inventuri; billi hemm bżonn ta' rieda politika ċara, azzjonijiet konkreti u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili biex dak jinbidel;

P.

billi l-edukazzjoni u t-taħriġ huma elementi essenzjali biex in-nisa jingħataw is-setgħa fl-era diġitali, u b'hekk għal soċjetà b'vijabilità futura; billi 60 % tal-istudenti tal-iskola fl-UE qatt ma jużaw tagħmir diġitali fil-klassijiet tagħhom; billi s-sehem diġà baxx ta' gradwati nisa fit-TIK reġa' naqas; billi n-nisa huma ferm sottorappreżentati fis-suġġetti STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika), u madwar nofs il-gradwati nisa ma jkomplux jaħdmu fi rwoli STEM; billi, f'inizjattivi bħall-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar tal-UE, it-TIK għal Edukazzjoni Mtejba, il-Klabb tal-Mexxejja Ewropew tal-Istartups u l-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali, li huma mmirati biex irawmu dejjem iktar l-edukazzjoni elettronika u l-ħiliet elettroniċi, in-nisa għadhom sottorappreżentati bil-kbir;

Q.

billi l-promozzjoni ta' teknoloġiji diġitali u t-TIK għandha rwol importanti fir-rigward tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, b'konformità mal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli, b'mod partikolari fl-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet soċjalment u ekonomikament, u fit-tneħħija tagħhom mill-faqar;

R.

billi d-diġitalizzazzjoni tiffavorixxi l-promozzjoni ta' demokrazija diretta permezz tal-Internet, u b'hekk tippermetti lin-nisa jkunu aktar involuti fil-politika u ttejjeb l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni;

S.

billi s-sħubija tad-diġitalizzazzjoni u d-demokrazija diretta tippermetti li n-nisa jkollhom aktar opportunitajiet biex ikunu involuti direttament, barra mill-iskemi politiċi tradizzjonali, u jipparteċipaw bis-sħiħ u b'mod komprensiv;

T.

billi t-TIK, bħal kwalunkwe teknoloġija, tista' tintuża u tiġi abbużata biex thedded lin-nisa, lid-drittijiet u l-libertajiet tagħhom u, fl-aħħar mill-aħħar, l-għoti ta' setgħa lin-nisa, bħal fil-każ tal-ibbuljar ċibernetiku, l-istalking ċibernetiku, it-traffikar tal-bnedmin, kliem ta' mibgħeda, tixwix għall-mibgħeda, diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet fundamentali; billi l-anonimat fuq l-internet jikkontribwixxi għall-proliferazzjoni ta' dawn il-forom ta' vjolenza kontra n-nisa; billi sfidi u riskji ġodda bħal dawn għandhom jiġu identifikati u indirizzati b'mod adegwat minn min jagħmel il-politiki kif ukoll mill-intrapriżi, il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, filwaqt li jiġi pprovdut spazju għal skambju ta' informazzjoni fuq l-Internet;

U.

billi t-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jintużaw biex joħolqu kanali u pjattaformi li jiffaċilitaw ċerti forom ta' sfruttament sesswali tan-nisa, inkluż ta' minorenni; billi l-pjattaformi diġitali huma wkoll użati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ġisem tal-mara; billi hemm bżonn ta' professjonisti rilevanti tal-infurzar tal-liġi biex jirrikonoxxu li d-diġitalizzazzjoni għandha effett trasformattiv fuq dawn id-delitti; billi hemm bżonn ukoll li titqajjem kuxjenza fost il-professjonisti relevanti tal-edukazzjoni dwar dawn il-forom ġodda ta' theddid diġitali u li jsir disponibbli l-finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri għall-promozzjoni tal-edukazzjoni dwar l-użu sikur u rispettuż tal-internet u r-riskji ta' vjolenza sessista online kemm għas-subien u kemm għall-bniet u li jiġu involuti l-irġiel u s-subien fil-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

V.

billi l-modi ta' komunikazzjoni diġitali kkontribwew għall-prevalenza tad-diskors ta' mibegħda u ta' theddidkontra n-nisa, fejn 18 % tan-nisa fl-Ewropa batew sa mill-adolexxenza xi forma ta' fastidju minn konoxxenti fuq l-internet, u disa' miljun vittma ta' vjolenza online fl-Ewropa; billi żdied in-numru ta' theddidiet, inkluż theddid ta' mewt, lejn in-nisa; billi kuxjenza soċjali dwar forom diġitali ta' vjolenza, kemm fost il-pubbliku ġenerali u l-professjonisti relevanti, bħal aġenti tal-infurzar tal-liġi u l-għalliema, għadha insuffiċjenti biex tiġi żgurata prevenzjoni adegwata, monitoraġġ u assistenza għall-vittmi; billi diversi forom ta' vjolenza online għadhom mhumiex kompletament riflessi fil-liġi kriminali, u lanqas f'xi modi u proċeduri ta' prosekuzzjoni fl-Istati Membri kollha; billi hemm nuqqas ta' kapaċità ta' reazzjoni min-naħa tas-sistema ġudizzjarja; billi dawk li jabbużaw u min ixerred il-mibgħeda rarament jiġu rappurtati, investigati, mixlija u kkundannati; billi hemm bżonn ta' rikonoxximent fil-livell tal-UE tan-natura potenzjalment transkonfinali tal-abbuż u l-vjolenza fuq l-internet;

W.

billi l-ibbaġitjar skont is-sessi u l-ugwaljanza bejn is-sessi jistgħu jintużaw bħala għodda biex tiżdied l-ugwaljanza bejn is-sessi; billi l-perspettivi bbażati fuq il-ġeneru għandhom jiġu kkunsidrati fl-istadji kollha tal-ħidma tal-Kummissjoni dwar id-diġitalizzazzjoni fl-Ewropa biex jiġi żgurat li n-nisa mhux biss huma inklużi iżda huma fuq quddiem nett tal-iżviluppi diġitali;

X.

billi l-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa u t-tfajliet fl-edukazzjoni relatata mat-TIK u aktar tard fl-impjieg hi riżultat ta' relazzjoni kumplessa tal-isterjotipar tas-sess li jibda' fl-istadji bikrija tal-ħajja u tal-edukazzjoni u jkompli fil-karriera professjonali; billi l-fatturi li jillimitaw lin-nisa u lill-bniet milli jipparteċipaw f'edukazzjoni fit-TIK u l-impjiegi jinkludu: sterjotipar matul il-ħajja; segregazzjoni f'attivitajiet, passatempi u ġugarelli 'tipikament femminili jew maskili', li jibdew fl-iktar stadji bikrija tal-edukazzjoni, nuqqas relattiv ta' mudelli ta' eżempju femminili fis-settur tat-TIK u viżibilità limitata ta' nisa f'dan is-settur partikolarment f'pożizzjonijiet ta' tmexxija;

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal li s-soċjetà tal-informazzjoni, it-TIK u l-Internet għandhom li jippromwovu t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, id-drittijiet u l-libertajiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, irrispettivament mill-età, id-diżabilità, il-karatteristiċi ġenetiċi, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, ir-razza, l-oriġini soċjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin reliġjuż jew l-istejtus ekonomiku;

2.

Jenfasizza li l-aċċess għall-Internet huwa punt ġdid ta' servizzi essenzjali, meħtieġa għad-dinja kollha, nisa, irġiel, subien u bniet, peress li l-internet sar għodda ewlenija fil-ħajja ta' kuljum tal-individwi f'familja, xogħol, studju u kuntesti ta' tagħlim, għall-ġestjoni fi ħdan kumpaniji, awtoritajiet pubbliċi, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet u għat-tħaddim ta' netwerks soċjali u l-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża u ttejjeb il-mira tal-Aġenda Diġitali u l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali bl-għan li tindirizza d-diskrepanza severa bejn is-sessi fi ħdan is-settur tat-TIK u titrawwem l-integrazzjoni sħiħa tan-nisa f'dan is-settur, b'mod partikolari fir-rigward tal-professjonijiet tekniċi u tat-telekomunikazzjoni, titrawwem l-edukazzjoni u t-taħriġ tan-nisa u tat-tfajliet fit-TIK u suġġetti STEM oħrajn, tiżdied il-viżibilità tan-nisa fil-qasam diġitali, titjieb l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-parteċipazzjoni tan-nisa permezz ta' aċċess aħjar għall-finanzjament, jiġu implimentati b'mod sistematiku valutazzjonijiet tal-impatt tal-ġeneru u l-ibbaġitjar tas-sessi fil-ħidma tagħha dwar l-Aġenda Diġitali u l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali sabiex il-prinċipju fundamentali Ewropew tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jkun jista' jiġi inkorporat kif xieraq u biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tan-nisa jiġu appoġġati biex jagħmlu realtà mill-internet inkluziv;

4.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri sabiex jinkorporaw il-perspettiva tal-ġeneru fl-inizjattivi diġitali kollha u biex jirrikonoxxu s-setgħa diġitali li qed tikkawża mewġa ġdida u aktar b'saħħitha ta' għarfien dwar kwistjonijiet ta' ġeneru u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza lill-Kummissjoni l-effikaċja tal-internet għal mezzi bħal kampanji, fora u biex tingħata viżibilità lil mudelli ta' eżempju femminili, li lkoll jgħinu biex jaċċeleraw l-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex tqis li tqiegħed lin-nisa fuq quddiem tal-aġenda diġitali sabiex l-era ġdida diġitali tista' tkun mutur għal aktar ugwaljanza bejn is-sessi;

5.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkudi fl-Istrateġija għall-ugwaljanza 2016-2020 li jmiss tagħha azzjonijiet speċifiċi b'appoġġ għall-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà tal-informazzjoni u jiġi promoss bis-saħħa n-netwerk tan-nisa onlajn peress li dawn huma l-eżempju ta' approċċ minn isfel għal fuq awtoorganizzatlejn l-għoti ta' setgħa lin-nisa, u għandhom jirċievu l-appoġġ kollu meħtieġ biex jibqgħu fil-futur 'il bogħod;

6.

Jieħu nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Strateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa”, iżda jiddispjaċih dwar il-fokus ristrett tagħha, billi din tissottovaluta l-potenzjal konsiderevoli li jista' jkollha d-diġitalizzazzjoni fir-rigward ta' soċjetà inklużiva, ekwa u parteċipattiva, u tonqos milli tagħti rikonoxximent suffiċjenti lill-opportunitajiet li l-appoġġ immirat u l-infrastruttura ta' finanzjament jistgħu jipprovdu għall-għoti ta' setgħa lin-nisa;

7.

Jappella għal enfasi iżjed qawwija fuq softwer bla ħlas u minn sors miftuħ fis-settur tat-TIK u s-suq diġitali; huwa tal-fehma li softwer bla ħlas u minn sors miftuħ huwa għodda essenzjali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-demokratizzazzjoni fis-suq diġitali u s-settur tat-TIK; jenfasizza l-ħtieġa li ta' għarfien iktar qawwi tas-sessi fis-settur miftuħ ukoll;

8.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw, jappoġġaw u jimplimentaw l-azzjonijiet promossi min-NU u mill-korpi tagħha, partikolarment fil-qafas tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u s-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS), sabiex isir sforz għall-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali fil-livell Ewropew u dinji; jistieden lill-Istati Membri biex jikkomunikaw u jiskambjaw l-aħjar prattiki bil-ħsieb li tiġi promossa l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fi żviluppi diġitali madwar l-Ewropa;

9.

Jistieden lill-Istati Membri, bl-għan li tintlaħaq l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-soċjetà tal-informazzjoni u t-TIKs, sabiex jistabbilixxu pjanijiet multiannwali ta' azzjoni bl-għan li: jiżdied l-aċċess tan-nisa għas-soċjetà tal-informazzjoni, jitjieb u jiżdied l-użu tat-TIK min-naħa tan-nisa, in-nisa jingħataw rwol aktar importanti f'setturi tat-TIK, jitrawwem l-għarfien tat-TIK tan-nisa permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jiġu promossi l-impjiegi u l-ispirtu intraprenditorjali fost in-nisa permezz tal-użu regolari tal-internet u s-servizzi diġitali, jiġi żviluppat kontenut online li jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, jitrawwem l-iskambju kontinwu, tixrid u komunikazzjoni tal-valuri tal-ugwaljanza, jiġi promoss l-aċċess għat-TIKs u l-użu tagħhom bħala għodda kontra d-diskriminazzjoni bejn is-sessi f'oqsma bħalma huma l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, tiġi promossa l-kooperazzjoni internazzjonali, jiġi stabbilit bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, u jitfasslu, jiġu implimentati, jinxterdu u jiġu evalwati politiki u pjanijiet ta' ugwaljanza;

Parteċipazzjoni

10.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-potenzjal konsiderevoli li għandha d-diġitalizzazzjoni fil-livelli kollha ta' parteċipazzjoni politika u l-inklużjoni tan-nisa fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, pereżempju permezz ta' votazzjoni elettronika; jenfasizza l-opportunitajiet kbar li d-diġitalizzazzjoni u inizjattivi ta' e-gvern għandhom fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni, il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, trasparenza u responsabilità akbar; jenfasizza barra minn hekk li t-TIKs jistgħu jżidu ħafna l-kapaċità tan-nisa li jipparteċipaw fi stħarriġiet u fora ta' diskussjoni, kif ukoll li jitressqu lmenti u rapport oħrajn b'mod anonimu;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu d-diġitalizzazzjoni fil-politika sabiex tiġi promossa d-demokrazija diretta, li tippermetti l-involviment aktar attiv taċ-ċittadini kollha, biex b'hekk jingħelbu skemi qodma u ostakli li joħolqu diffikultajiet għan-nisa u l-gruppi sottorappreżentati, biex dawn jippruvaw jistabbilixxu ruħhom f'ambjenti istituzzjonali u elettorali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw u jkomplu jiżviluppaw metodi ta' votazzjoni online għal konsultazzjonijiet elettorali, biex b'hekk jiġu eliminati ostakoli, li sikwit jolqtu n-nisa b'mod partikolari;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-programm “Ewropa għaċ-Ċittadini” biex timmira speċifikament għas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tan-nisa li jaħdmu f'oqsma b'rabta mad-diġitalizzazzjoni u t-TIK, sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ċivika u demokratika tan-nisa u biex tingħata attenzjoni partikolari lil objettivi speċifiċi skont il-ġeneru fil-valutazzjonijiet ta' implimentazzjoni li se jsiru dalwaqt;

13.

Jenfasizza l-importanza li jista' jkollha l-midja biex issaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fi proċessi demokratiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-midja, inkluż fil-ġestjoni, u f'korpi regolatorji u ta' mmonitorjar, sabiex jaħdmu għal aktar ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tal-midja fil-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi u rappreżentazzjoni ħażina tan-nisa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex trawwem il-ħolqien ta' netwerks fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet professjonali tal-mezzi tax-xandir biex in-nisa jingħataw is-setgħa li jieħdu sehem attiv u jirrikonoxxu l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa fil-midja;

14.

Jenfasizza r-rwol ewlieni tas-soċjetà ċivili internazzjonali fil-qasam tal-governanza tal-internet, permezz ta' fora bħall-Global Internet Forum; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom u jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili diġitali fil-livell lokali u dak internazzjonali, u jippromwovu l-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni tan-nisa u l-bniet f'kull wieħed minn dawn il-fora u netwerks;

15.

Iqis li aċċess għal broadband għal kulħadd, tal-inqas fi spazji pubbliċi, jtejjeb il-possibilitajiet għan-nisa li jużaw l-opportunitajiet diġitali u jżid il-possibilitajiet tagħhom li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol, li għandhom jikkontribwixxu wkoll għal inklużjoni soċjali akbar u żviluppi pożittivi fir-rigward ta' kwistjonijiet ambjentali u ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza li testendi l-aġenda diġitali tagħha għal żoni rurali b'tali mod li l-ebda ċittadin ma jkun eskluż u iżolat, b'mod partikolari n-nisa, u l-opportunitajiet diġitali jkunu disponibbli għal kulħadd;

Is-suq tax-xogħol

16.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi f'kumpaniji tat-TIK u industriji relevanti oħra, korpi rappreżentattivi u istituzzjonijiet ta' taħriġ, inkluż f'pożizzjonijiet ta' responsabilità, biex jissorveljaw u jsegwu mill-qrib il-progress li sar u biex jaqsmu l-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw is-sottorappreżentanza qawwija tan-nisa fis-settur tat-TIK, b'mod partikolari fost persuni f'pożizzjonijiet għoljin u fuq bords; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-abbozz tad-Direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati tipprovdi opportunità reali biex tinbidel il-kultura minn ġewwa l-kumpaniji, u dan ikollu impatt fuq kull livell tal-ġerarkija, u għalhekk iħeġġeġ l-iżblukkar tad-Direttiva fil-Kunsill; ifakkar b'mod urġenti dwar ir-responsabilità tal-Kummissjoni li tieħu kwalunkwe azzjoni li tista' tgħin biex jintemm l-istaġnar fil-Kunsill fir-rigward ta' leġiżlazzjoni tal-UE li tindirizza t-trasparenza u bilanċ akbar fir-reklutaġġ għal pożizzjonijiet ta' teħid tad-deċiżjonijiet;

18.

Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw id-distakk bejn is-sessi fis-settur tat-TIK billi jenfasizzaw l-argument favur id-diversità u billi joħolqu għadd ikbar ta' inċentivi aktar b'saħħithom kemm għall-kumpaniji kif ukoll għan-nisa, bħal pereżempju l-mudelli tar-rwol u l-mogħdijiet tal-karrieri, sabiex tiżdied il-viżibilità tan-nisa;

19.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u l-protezzjoni soċjali tal-impjegati, u jiġġieldu lill-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi, u lill-Istati Membri jiżviluppaw ulterjorment, mekkaniżmi ġodda ta' protezzjoni adattati għall-iskemi ta' xogħol u ta' karriera influwenzati mid-diġitalizzazzjoni, billi tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tan-nisa; jenfasizza l-importanza ta' ftehim kollettiv fil-livelli kollha speċjalment f'dawk il-oqsma li huma ferm affettwati mid-diġitalizzazzjoni sabiex ikun żgurat il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali u li tiġi salvagwardata l-kwalità tal-ispazju ta' ħidma u s-sigurtà tal-ispazju ta' ħidma fi żmenijiet ta' diġitalizzazzjoni; jinnota li jeħtieġ jinstabu l-kundizzjonijiet qafas ġenerali meħtieġa sabiex tkun salvagwardata l-protezzjoni tad-data personali tal-impjegati;

20.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-potenzjal sħiħ tal-flessibilità offruta mid-diġitalizzazzjoni fiż-żona ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, u fl-istess ħin jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni tas-suq tax-xogħol teħtieġ adattament tal-politiki tas-suq tax-xogħol u sistemi ta' sigurtà soċjali bażiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fir-rigward tal-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni 'New start to address the challenges of work-life balance faced by working families'(Bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi għal bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol li jiffaċċjaw il-familji li jaħdmu), biex jidentifikaw l-opportunitajiet u l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni, f'dawk li huma kundizzjonijiet ta' xogħol u l-bżonn ta' adattament tal-post tax-xogħol, żvilupp ta' ħiliet u opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja, speċjalment għal ħaddiema b'responsabilitajiet ta' kura; jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvestu b'mod immirat fil-prattiki tax-xogħol diġitali sabiex itejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja għal kulħadd;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw it-tagħlim tul il-ħajja kollha kif ukoll it-taħriġ u l-iskemi li jgħinu biex jippreparaw għal adattament aħjar jew bidla potenzjali tal-mogħdija tal-karriera bi qbil mad-domanda li qed tikber għal ħiliet elettroniċi f'ħafna setturi differenti, b'kunsiderazzjoni speċjali tan-nisa li għandhom ta' 55 sena jew aktar biex jiġu mħarsa mill-esklużjoni mis-suq tax-xogħol;

22.

Jitlob, fil-kuntest tal-miżuri kollha adottati f'dan il-qasam, biex il-piż burokratiku fuq l-impriżi jinżamm baxx kemm jista' jkun; jirrimarka li burokrazija eċċessiva taf tipperikola l-aċċettazzjoni u twassal għat-telf ta' impjiegi u għar-rilokazzjoni ta' impjiegi; jilqa' l-kompromessi funzjonabbli u bbażati fuq konsensus milħuqa bejn iż-żewġ naħat tal-industrija fl-Istati Membri bi tradizzjoni soda ta' kodeterminazzjoni; iqis il-kodeterminazzjoni bħala mudell tal-aħjar prattika għall-ekonomiji Ewropej;

23.

Jinnota li d-differenzi bejn is-sessi f dak li hu salarju għadhom fost l-ikbar kwistjonijiet b'rabta mad-differenzi bejn is-sessi fis-settur tat-TIK, u jitlob għalhekk biex l-Istati Membri fl-aħħar jibdew jimplimentaw attivament ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta' paga indaqs bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta' trasparenza u azzjoni pożittiva kontinwa, preferibbilment permezz ta' leġiżlazzjoni, u biex jintroduċu miżuri ta' trasparenza tas-salarji u valutazzjonijiet newtrali tal-ħidma; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-paga indaqs fl-inizjattiva ta' programm ta' ħidma 2016 “Bidu ġdid għall-ġenituri li jaħdmu”, peress li d-differenzi fil-pagi jiżdiedu saħansitra iktar meta l-persuni jsiru ġenituri;

24.

Ifakkar li d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa twassal għal differenza fil-pensjonijiet saħansitra ogħla; jenfasizza li l-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post tax-xogħol biex jiġu żgurati pagi ġusti trid tkun garantita kif irrimarkat mill-President tal-Kummissjoni Juncker;

25.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta' taxxi u ta' benefiċċji li ma jiddiswadux lill-persuni li jkunu t-tieni sors ta' dħul milli jaħdmu jew milli jaħdmu aktar, peress li n-nisa għandhom it-tendenza li jkunu t-tieni sors ta' dħul, speċjalment fil-qasam tat-TIK;

26.

Jindika li d-differenza fil-pagi u fl-iżvilupp tal-karriera bejn in-nisa u l-irġiel għadha teżisti għan-nisa li jaħdmu fis-settur tat-TIK; jenfasizza li l-prinċipju ta' paga ndaqs għal xogħol indaqs fl-istess post tax-xogħol biex jiġu żgurati pagi ġusti qed jiġi mhedded anke jekk dan jikkostitwixxi wieħed mill-pilastri fundamentali tal-ġustizzja soċjali fis-suq tax-xogħol u għaldaqstant għandu jiġi protett fuq kull ħaġa oħra; itenni li l-inugwaljanzi m'għandhomx jitħallew jiġu stabbiliti fl-ekonomija diġitali fir-rigward tal-pagi indaqs u l-iżvilupp indaqs tal-karriera; jenfasizza li żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-investimenti relatati fil-politiki tal-inklużjoni soċjali se jgħinu biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel; jenfasizza l-importanza tan-negozjar kollettiv anke fl-ekonomija tas-suq diġitali għas-salvagwardja tal-kwalità u s-sigurtà tal-impjiegi fiż-żminijiet ta' diġitalizzazzjoni;

27.

Jilqa' l-bosta opportunitajiet u l-flessibilità akbar li toffri l-era diġitali lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom, inklużi opportunitajiet għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, b'mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ġenituri ta' tfal żgħar u persuni b'diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw is-sitwazzjoni tax-xogħol flessibbli u s-sigurtà tal-impjieg li huwa prominenti fis-settur tat-TIK, iżda fl-istess ħin jenfasizza l-isfidi l-ġodda marbuta ma' dan l-iżvilupp u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet adegwati ta' sigurtà soċjali; huwa favur “dritt ta' tifi” għall-ħaddiema barra mis-sigħat tax-xogħol miftiehma;

28.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li x-xejra mmexxija mid-diġitalizzazzjoni lejn prattiki ta' xogħol aktar flessibbli taf twassal ukoll għal forom ta' impjieg instabbli; jenfasizza li l-problemi tas-saħħa mentali relatati max-xogħol, bħall-eżawriment (“burn-out”), ikkawżati mill-aċċessibbiltà kostanti jippreżentaw riskju serju; jirrakkomanda, għalhekk, konformità sħiħa mal-ħinijiet ta' mistrieħ preskritti għall-ħaddiema u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati l-arranġamenti tal-ħinijiet tax-xogħol fil-kuntratt ta' impjieg b'ħinijiet flessibbli, sabiex jinżammu l-limiti tal-ħin tax-xogħol kif definiti fil-liġijiet tax-xogħol tal-Istati Membri individwali;

Edukazzjoni u taħriġ

29.

Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-integrazzjoni tas-sessi fis-settur tal-edukazzjoni billi jiġi promoss il-litteriżmu diġitali u l-parteċipazzjoni tan-nisa u tat-tfajliet fit-TIK għall-edukazzjoni u t-taħriġ permezz tal-inklużjoni ta' kodifikazzjoni, midja u teknoloġiji ġodda fil-kurrikuli edukattivi fil-livelli kollha, kif ukoll, barra l-kurrikulu tal-edukazzjoni informali u mhux formali, u f'kull tip ta' edukazzjoni u taħriġ, inkluż fost l-għalliema, bl-għan li jitnaqqsu u jitneħħew id-diskrepanzi fil-ħiliet diġitali, u biex lill-bniet u ż-żgħażagħ nisa jitħeġġew jibdew karrieri fix-xjenzi u t-TIKs; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' riżorsi edukattivi, li jiżguraw aċċess aħjar għall-edukazzjoni għal kulħadd, u li jiġu skambjati l-aħjar prattiki dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tat-TIK;

30.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu l-edukazzjoni tat-TIK skont l-età xierqa fl-istadji bikrija tal-iskejjel, b'enfasi partikolari fuq jispiraw lill-bniet biex jiżviluppaw l-interess u t-talent fil-qasam diġitali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni STEM tal-bniet minn età żgħira, peress li l-bniet jitbiegħdu mis-suġġetti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika aktar kmieni waqt il-perkors edukattiv tagħhom minħabba l-isterjotipi tas-sessi madwar dawn is-suġġetti, nuqqas ta' mudelli ta' eżempju, u s-segregazzjoni ta' attivitajiet u ġugarelli, bir-riżultat li teżisti sottorappreżentanza ta' nisa f'dawn is-suġġetti fl-università, li testendi għall-post tax-xogħol; jenfasizza għaldaqstant li kemm l-isterjotipi tas-sessi u t-taħriġ diġitali għandhom jiġu indirizzati, billi wieħed jibda mis-sistema ta' edukazzjoni primarja u tul l-istadji kollha tal-edukazzjoni sat-tagħlim għall-adulti u taħriġ għal dawk li ġew esklużi mis-suq tax-xogħol;

31.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja mmirati speċifikament lejn in-nisa anzjani tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom u lil hinn minnha, b'mod partikolari għal dawk b'responsabilitajiet ta' kura u n-nisa li jieħdu pawża mill-karriera tagħhom jew qed jerġgħu jidħlu fil-post tax-xogħol, sabiex jiġi żgurat li ma jitħallewx jibqgħu lura fit-triq dejjem aktar mgħaġġel lejn id-diġitalizzazzjoni;

32.

Jinnota li l-edukazzjoni fit-teknoloġiji diġitali, it-TIK u l-kodifikazzjoni f'età bikrija huma partikolarment importanti fl-għoti ta' setgħa lill-bniet, l-inkoraġġiment tagħhom f'dan il-qasam u biex jingħelbu l-isterjotipi tas-sessi; jenfasizza li ż-żieda fir-rappreżentanza tan-nisa fis-suġġetti STEM fl-edukazzjoni għolja hija l-qofol biex tiżdied ir-rappreżentanza tagħhom fis-settur diġitali;

33.

Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw id-distakk bejn is-sessi fis-settur tat-TIK billi joħolqu aktar inċentivi u strutturi ta' appoġġ għan-nisa, bħal mudelli, programmi ta' mentoring u karrieri, sabiex tiżdied il-viżibilità tan-nisa; jistieden, għalhekklill-Istati Membrijadattaw sistemi edukattivi, fejn meħtieġ, bl-għan li jippromovu t-tagħlim u l-interess fis-suġġetti STEM b'mod ġenerali u għall-istudenti nisa b'mod partikolari;

34.

Jenfasizza l-utilità tat-TIK, u b'mod aktar speċifiku, korsijiet ta' taħriġ online għall-bniet u n-nisa, imma wkoll għal persuni bi bżonnijiet speċjali, bħal dawk b'diżabilità, u persuni li jgħixu f'zoni rurali u f'żoni mbiegħda, kif ukoll il-possibilitajiet għal xogħol mid-dar, sabiex tittejjeb l-edukazzjoni fost dawn il-gruppi u jiżdiedu l-possibilitajiet tagħhom ta' indipendenza finanzjarja;

35.

Jinnota r-rwol importanti u l-potenzjal enormi li l-arti u d-disinn, l-edukazzjoni formali, informali u mhux formali, l-industriji kreattivi, u s-settur kulturali għandhom fl-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet u fit-tressiq tagħhom lejn is-settur diġitali; jenfasizza għalhekk l-importanza li titwaqqaf rabta bejn is-suġġetti STEM u s-setturi ekonomiċi tal-edukazzjoni u l-arti, billi STEM issir STEAM;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi t-teknoloġiji diġitali bħala għodda biex jitnaqqsu d-differenzi fid-dħul fis-suq tax-xogħol fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja u tistabbilixxi standards għall-investiment pubbliku u privat fil-ħiliet bħala perċentwali tal-PDG;

37.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jippromwovu, b'mod partikolari permezz ta' kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, il-parteċipazzjoni tan-nisa f'setturi ta' negozju sterjotipikament ikkunsidrati bħala “maskili”, bħal fil-każ tad-diġitalizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu organizzati kampanji ta' sensibilizzazzjoni, taħriġ u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għall-atturi kollha involuti fil-proċess tad-diġitalizzazzjoni;

38.

Jilqa' l-“Kodiċi tal-aħjar prattika għan-nisa u t-TIK” u jitlob li tkun implimentata b'mod wiesa' u attiv; jilqa' t-twaqqif tal-“Gran Koalizzjoni għall-impjiegi diġitali” u jinkoraġġixxi l-kumpaniji involuti biex jagħtu attenzjoni speċjali fuq ir-reklutaġġ u l-opportunitajiet ugwali tal-karriera għan-nisa;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw programmi mmirati għall-ġenituri sabiex jiffamiljarizzaw ruħhom mat-TIKs użati minn uliedhom, biex b'hekk jittejjeb l-għarfien tal-adulti ta' inkontri u relazzjonijiet potenzjali li jistgħu jseħħu online, u jitnaqqas id-distakk ġenerazzjonali li jeżisti fir-rigward is-settur tat-TIK;

40.

Jenfasizza l-importanza li jittejbu l-ħiliet u l-litteriżmu diġitali biex jiġi faċilitat id-dħul fil-kumpaniji tat-TIK ta' nisa li għal diversi raġunijiet ma jkollhomx dawn il-ħiliet speċifiċi; jirrimarka li falliment f'dan ir-rigward iwassal għal żvantaġġ ulterjuri fir-rigward tal-aċċess għan-nisa f'dan is-settur; ifakkar li l-Fond Soċjali Ewropew jista' jipparteċipa fil-finanzjament ta' korsijiet ta' taħriġ ta' dan it-tip;

41.

Jenfasizza l-importanza li l-kodifikazzjoni, il-midja u t-teknoloġiji ġodda jiġu integrati fil-kurrikula edukattivi fil-livelli kollha u jinnota l-potenzjal tal-ħiliet diġitali biex inaqqsu l-ostakli għall-aċċess għad-dħul fis-suq tax-xogħol; jinnota l-importanza ta' djalogu kostanti mas-sħab soċjali sabiex jingħeleb id-distakk bejn il-ġeneri f'dan il-qasam;

42.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-ambitu tal-Istrateġija dwar Suq Uniku Diġitali, u iktar speċifikament fir-rigward tar-referenza għall-bini ta' soċjetà elettronika inklużiva, biex iżżid il-viżibilità tan-nisa, billi tistabbilixxi proġett pilota dwar università Ewropea onlajn li speċifikament tiffoka fuq it-TIK u l-inġinerija teknika u tintroduċi programm ta' boroż ta' studju mfassla apposta għan-nisa fil-qasam tat-TIK u tal-midja ġdida;

43.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lin-negozji, jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-TIK permezz ta' ġbir ta' data mingħajr tqassim skont il-ġeneru rigward l-użu tat-TIK, jiġu żviluppati miri, indikaturi u punti ta' referenza sabiex jiġi segwit il-progress tal-aċċess tan-nisa għat-TIK u jiġu promossi eżempji tal-aħjar prattika fost il-kumpaniji tat-TIK;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom favur l-emanċipazzjoni tan-nisa f'setturi diġitali u t-TIK fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u r-relazzjonijiet esterni tal-UE, permezz tal-promozzjoni tal-edukazzjoni diġitali u l-iffaċilitar tal-intraprenditorija tan-nisa permezz ta' diversi strumenti, inklużi skemi ta' mikrofinanzjament u netwerks ta' appoġġ;

Intraprenditorija fl-investiment u fil-finanzjament

45.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jagħmlu disponibbli fondi, itejbu l-aċċess għal fondi eżistenti u, jekk neċessarju, jagħmlu disponibbli fondi għal intraprendituri nisa biex joħolqu negozji ġodda relatati mat-TIK u startups diġitali, kif ukoll konsulenza u netwerks ta' skambju bejn il-pari, trawwim tal-innovazzjoni u investiment fl-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri joffru appoġġ finanzjarju xieraq u taħriġ lil nisa li jkunu jridu jibnu karriera fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni, sabiex titħeġġeġ l-intraprenditorija tan-nisa f'dan is-settur;

46.

Isostni li, speċjalment fir-rigward tal-objettiv tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali ta' ħolqien ta' kundizzjonijiet adegwati għal ambjent tat-TIK innovattiv u kompetittiv u titjib għall-opportunitajiet ta' finanzjament għall-SMEs u start-ups, l-aċċess tan-nisa għall-finanzjament u għas-servizzi finanzjarji għandu jingħata kunsiderazzjoni speċjali; jinnota l-importanza ta' aċċess tan-nisa għall-mikrofinanzjament bl-intraprenditorija tan-nisa;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'rabta mal-Aġenda Diġitali, timmonitorja u tevalwa bir-reqqa l-applikazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-ibbaġittjar mill-perspettiva tal-ġeneri fil-kuntest tal-fondi tal-UE bi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (Regolament (UE) Nru 1303/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013) dwar il-fondi Ewropej, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-involviment tal-organizzazzjonijiet tan-nisa fil-kumitat ta' monitoraġġ ta' programmi ta' finanzjament sabiex tiġi garantita l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet immirati li jsaħħu r-rwol tan-nisa fit-TIK; ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni li twettaq ibbaġittjar mill-perspettiva tal-ġeneri;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis id-dimensjoni tas-sessi meta tkun qed tanalizza u tirrapporta dwar l-involviment fi sħubiji, b'rabta mal-Aġenda Diġitali;

49.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment, tistabbilixxi programmi b'rabta mal-investiment fit-TIK permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, inklużi kundizzjonijiet ta' kreditu favorevoli u self għall-kumpaniji, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istart-ups fis-settur tat-TIK, li fih mill-inqas 40 % tal-forza tax-xogħol huma nisa;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u tippromwovi kultura ta' intraprenditorija diġitali għan-nisa, tippromwovi u tappoġġa finanzjarjament pjattaforma ta' netwerking u mentoraġġ Ewropea għan-nisa u ssaħħaħ ulterjorment ir-rwol tan-nisa fil-programmi eżistenti; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, kif ukoll lil kumpaniji, joħolqu politiki ta' diversità li jmorru lil hinn minn enfasi fuq ir-reklutaġġ ta' nisa sabiex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u t-tmexxija;

51.

Jenfasizza r-rwol tal-intrapriża soċjali u ta' mudelli kummerċjali alternattivi, bħall-impriżi mutwi u l-kooperattivi, fl-emanċipazzjoni tan-nisa fl-intraprenditorija diġitali u biex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa f'setturi diġitali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-inizjattivi tal-intrapriża soċjali immirati lejn l-emanċipazzjoni tan-nisa u tat-tfajliet fit-TIK;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati kollha biex jagħmlu aktar użu tal-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali biex jiġu appoġġati miżuri mmirati lejn it-titjib tal-ħiliet diġitali fost in-nisa u l-bniet, il-promozzjoni tal-impjiegi tan-nisa fis-settur tat-TIK, u jżidu t-tixrid tad-diversi għażliet disponibbli tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

Il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa f'dinja diġitalizzata

53.

Jitlob li ssir identifikazzjoni tal-isfidi dovuti għall-użu tat-TIK u l-Internet biex jitwettqu reati, isir theddid jew jitwettqu atti ta' fastidju jew vjolenza fuq in-nisa abbażi tal-misoġenija, l-omofobija jew it-transfobija jew kwalunkwe forma oħra ta' diskriminazzjoni; iħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b'mod adegwat, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-gruppi ta' nisa b'bosta vulnerabilitajiet, u biex jiżguraw li hemm qafas fis-seħħ li jiggarantixxi li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jkunu jistgħu jittrattaw reati diġitali b'mod effettiv, b'kont meħud ta' sfidi relatati mal-anonimità online u n-natura transkonfinali potenzjali ta' tali delitti u abbużi; jistieden lill-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi neċessarji għall-infurzar tal-liġi, jiġifieri l-implimentazzjoni ta' liġijiet eżistenti kontra l-vjolenza ċibernetika, l-istalking ċibernetiku, il-bullying, il-fastidju, u d-diskors ta' mibegħda;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni titlob li jkun hemm sforzi akbar mill-Istati Membri biex iħarrku kwalunkwe reat kriminali omofobiku jew transfobiku li jsir online, kif ukoll japplikaw b'mod xieraq il-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ f'dan ir-rigward u b'rabta mad-drittijiet tal-vittmi;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza s-sessiżmu u l-isterjotipi tas-sessi fl-edukazzjoni u l-midja, bħala parti mid-Direttiva tat-Trattament Indaqs riformulata;

56.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kodiċi ta' kondotta għall-komunikazzjonijiet tagħha stess u għall-komunikazzjoni tal-Aġenziji tal-UE għat-trawwim tal-emanċipazzjoni tan-nisa, u biex jingħelbu l-isterjotipi u s-sessiżmu u s-sottorappreżentanza tan-nisa u d-dikjarazzjonijiet foloz tagħhom;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu r-realtajiet mibdula tan-nisa u l-bniet, minħabba d-diġitalizzazzjoni, fl-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni futura tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jenfasizza li l-kontrolluri tad-data jistgħu jużaw data sensittiva għal skopijiet limitati biss u taħt l-ebda ċirkostanza ma jistgħu jaqsmu ulterjorment tali data;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli r-riżorsi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li r-regoli dwar is-salvagwardja ta' data sensittiva li tinsab f'komunikazzjonijiet onlajn jiġu osservati;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ finanzjarju għall-Infrastruttura Iktar Sikura tas-Servizzi Diġitali tal-Internet, iffinanzjat mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u jitlob lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament għal linji ta' appoġġ għall-vittmi tal-bullying fuq l-internet; jenfasizza li l-bniet huma darbtejn iktar probabbli mis-subien li jkunu vittmi;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jipproteġu l-bniet minn reklamar fl-ambjent diġitali li jista' jħajjarhom li jġibu ruħhom bi ħsara għas-saħħa fiżika u mentali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni ġġedded u tespandi l-programm Internet Aktar Sikur, filwaqt li tagħti attenzjoni partikulari lill-kwistjoni tas-sessi bħala waħda mill-miżuri meħtieġa biex tiżdied is-sikurezza tal-bniet online;

61.

Jistieden lill-Kummissjoni tvara u tappoġġa l-litteriżmu elettroniku u programmi ta' taħriġ, kif ukoll kampanji ta' sensibilizzazzjoni, biex b'hekk tqajjem kuxjenza dwar ir-riskji potenzjali tad-dinja diġitali u dwar kif jistgħu jiġu kkonfrontati fost il-partijiet relevanti konċernati, bħalma huma l-istudenti fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, l-għalliema, u l-professjonisti tal-infurzar tal-liġi u tal-qasam tal-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi kampanji kontra s-sessiżmu u l-isterjotipi tas-sessi fil-midja soċjali u diġitali u tuża l-potenzjal tal-mezzi tax-xandir diġitali biex jiġu eliminati l-isterjotipi;

62.

Jilqa' l-proposta magħmula mill-Kummissjoni biex tintegra fl-Istrateġija tagħha għal wara l-2016 dwar it-Traffikar tal-Bnedmin dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni, l-appoġġ għall-vittmi, ir-ritorn sikur u l-integrazzjoni mill-ġdid, kif ukoll ir-rwol tal-internet; jenfasizza li l-fenomeni ta' fastidju ċibernetiku u cyber-stalking għandhom jiġu indirizzati wkoll;

63.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli biżżejjed riżorsi u fondi għall-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) biex ikunu jistgħu jwettqu riċerka u ġbir ta' data dwar kif is-servizzi diġitali jistgħu jiġu użati u sfruttati aħjar għall-benefiċċju tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

64.

Jitlob lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, kif ukoll l-Istati Membri u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, jikkooperaw u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom b'mod konkret biex jikkumbattu l-użu tat-TIK biex jitwettqu reati relatati mat-traffikar tal-bnedmin, il-fastidju ċibernetiku u s-cyber-stalking, peress illi ta' spiss huma ta' natura transfruntiera u wkoll peress li l-koordinazzjoni fuq livell tal-UE hija vitali biex issir il-prosekuzzjoni ta' dawn ir-reati; jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid u potenzjalment jirrevedu l-liġi kriminali tagħhom biex jiżguraw li forom ġodda ta' vjolenza diġitali huma definiti u rikonoxxuti b'mod ċar, u sabiex jiġi żgurat li l-mezzi adatti ta' prosekuzzjoni jkunu fis-seħħ; jistieden lill-Istati Membri jadottaw portali ta' rapportar sabiex iċ-ċittadini jkollhom il-post sikur u kunfidenzjali online għalihom fejn jistgħu jirrappurtaw fastidju minn utenti tal-internet; jitlob li l-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol ikopru dawn il-kwistjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi t-taħriġ u l-bini ta' ħiliet għall-appoġġ tal-vittmi fi kwistjonijiet diġitali, fost il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji, kif ukoll appoġġ psikoloġiku huma u għaddejja kawżi quddiem il-qrati b'rabta ma' din il-kwistjoni;

65.

Jistieden lill-Kummissjoni tħejji kemm jista' jkun malajr il-passi meħtieġa għar-ratifika mill-UE tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-UE li tikkunsidra l-azzjonijiet meħtieġa kollha biex ittemm u tipprevjeni l-vjolenza fuq in-nisa fl-Istati Membri kollha, u jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, li hija strumentali biex tiġi eradikata l-vjolenza fuq in-nisa, inklużi forom diġitali ta' vjolenza, peress li din tintroduċi definizzjonijiet ġuridiċi armonizzati u modi ta' prosekuzzjoni ta' reati li huma ffaċilitati permezz tat-teknoloġiji l-ġodda ta' komunikazzjoni, bħat-traffikar tal-bnedmin u l-istalking;

66.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, mill-aktar fis possibbli, Strateġija Ewropea dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru li tinkludi strument leġiżlattiv, u tittratta b'mod determinat forom ġodda ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, bħalma huma l-bullying ċibernetiku, l-użu ta' immaġnijiet degradanti online, id-distribuzzjoni online fuq il-midja soċjali ta' ritratti u filmati privati mingħajr il-kunsens tal-persuni involuti, eċċ.;

67.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-monitoraġġ tas-seduzzjoni sesswali (grooming) fuq l-internet minn gruppi terroristiċi li jirreklutaw lin-nisa żgħażagħ u jġiegħluhom jidħlu fiż-żwieġ jew fil-prostituzzjoni f'pajjiżi terzi;

o

o o

68.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0218.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2015)0312.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2015)0351.

(4)  ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 75.

(5)  ĠU C 36, 29.1.2016, p. 18.

(6)  ĠU C 93, 9.3.2016, p. 120.

(7)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(8)  ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(9)  https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/women-active-ict-sector


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Parlament Ewropew

Il-Ħamis 28 ta’ April 2016

21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/57


P8_TA(2016)0141

Talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Bolesław G. Piecha

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Bolesław G. Piecha (2015/2339(IMM))

(2018/C 066/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Bolesław G. Piecha, imressqa fid-29 ta' Ottubru 2015 mill-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja, b'rabta mal-proċedura għal azzjoni legali mill-Ispettur Ġenerali tat-Traffiku tat-Triq Pollakk (Główny Inspektor Transportu Drogowego) (taħt ir-referenza Nru CAN-PST-SCW.7421.653220.2014.13.A.0475), u mħabbra fis-seduta plenarja fit-23 ta' Novembru 2015,

wara li kkunsidra l-fatt li Bolesław G. Piecha rrinunzja d-dritt tiegħu li jinstema' skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013 (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 105(2) u 108 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja u l-Artikoli 7b(1) u 7c(1) tal-Att tal-Polonja tad-9 ta' Mejju 1996 dwar it-twettiq tad-dmirijiet ta' Membru tal-Parlament u ta' Senatur Pollakk,

wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0152/2016),

A.

billi l-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja ressaq talba tal-Ispettur Ġenerali tat-Traffiku tat-Triq Pollakk li fiha talab it-tneħħija tal-immunità ta' Bolesław G. Piecha, Membru tal-Parlament Ewropew elett għall-Polonja, b'rabta ma' ksur skont l-Artikolu 92(a) tal-kodiċi tar-reati minuri tal-20 ta' Mejju 1971, b'rabta mal-Artikolu 20(1) tal-Att dwar it-Traffiku tat-Triq tal-20 ta' Ġunju 1997; billi, b’mod partikolari, il-ksur allegat jikkorrispondi għall-fatt li l-veloċità awtorizzata f'agglomerazzjoni nqabżet;

B.

billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, mill-immunitajiet mogħtija lid-deputati tal-parlament tal-Istat Membru tagħhom;

C.

billi l-Artikolu 105(2) u l-Artikolu 108 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jiddikjaraw li deputat jew senatur m’għandux jiġi soġġett għal responsabilità penali ħlief bil-kunsens tas-Sejm Pollakk jew tas-Senat Pollakk rispettivament;

D.

billi għalhekk ir-responsabilità taqa' fuq il-Parlament Ewropew li jiddeċiedi jekk l-immunità ta' Bolesław G. Piecha għandhiex titneħħa jew le;

E.

billi l-ksur allegat seħħ qabel ma Bolesław G. Piecha sar Membru tal-Parlament Ewropew; billi l-ksur allegat seħħ meta Bolesław G. Piecha kien Senatur Pollakk; billi għalhekk dan il-ksur m'għandux rabta diretta jew evidenti mat-twettiq tad-dmirijiet ta' Bolesław G. Piecha bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

F.

billi Bolesław G. Piecha bagħat lill-Ispettorat Ġenerali tat-Traffiku tat-Triq Pollakk dikjarazzjoni bħala tweġiba għaċ-ċitazzjoni mibgħuta mill-Ispettur Ġenerali tal-imsemmi Spettorat fejn aċċetta li jħallas il-multa b’rabta mal-ksur imsemmi fl-Artikolu 92a tal-kodiċi tar-reati minuri; billi huwa konsegwentement diffiċli jiġi stabbilit li kien hemm fumus persecutionis, jiġifieri biżżejjed suspett serju u preċiż li t-talba saret bl-intenzjoni li tiġi kkawżata ħsara politika lill-Membru kkonċernat;

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Bolesław G. Piecha;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Polonja u lil Bolesław G. Piecha.


(1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


III Atti preparatorji

IL-PARLAMENT EWROPEW

Il-Ħamis 28 ta’ April 2016

21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/59


P8_TA(2016)0138

Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni UE-Ġeorġja (adeżjoni tal-Kroazja) ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ta' Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u l-Ġeorġja min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkunsiderazzjoni l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-UE (12227/2014 – C8-0035/2015 – 2014/0134(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 066/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12227/2014),

wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll (12226/2014),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0035/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2), u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0128/2016),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-protokoll;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Ġeorġja.


21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/60


P8_TA(2016)0139

Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni UE-Iżrael (adeżjoni tal-Kroazja) ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-Gvern tal-Istat tal-Iżrael min-naħa l-oħra, sabiex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (12265/2014 – C8-0102/2015 – 2014/0187(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 066/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12265/2014),

wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll (12264/2014),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2) kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0102/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0129/2016),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-protokoll;

2.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Istat tal-Iżrael.


21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/61


P8_TA(2016)0140

Konvenzjoni fuq assistenza reċiproka u kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali (adeżjoni tal-Kroazja) *

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar ir-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Konvenzjoni tat-18 ta' Diċembru 1997, magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq assistenza reċiproka u kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali (COM(2015)0556 – C8-0376/2015 – 2015/0261(NLE))

(Konsultazzjoni)

(2018/C 066/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2015)0556),

wara li kkunsidra l-Artikolu 3(4) u (5) tal-Att ta' Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C8-0376/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0054/2016),

1.

Japprova r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni;

2.

Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.

Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/62


P8_TA(2016)0143

Aġenzija tal-UE għall-Ferroviji ***II

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (10578/1/2015 – C8-0415/2015 – 2013/0014(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

(2018/C 066/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (10578/1/2015 – C8-0415/2015),

wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Parlament Litwan, is-Senat Rumen u l-Parlament Svediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, fejn huwa ddikjarat li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-11 ta' Lulju 2013 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Ottubru 2013 (2),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2013)0027),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0073/2016),

1.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

4.

Jissuġġerixxi li l-att jiġi ċitat bħala 'r-Regolament Zīle-Matīss dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004' (4);

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.

(2)  ĠU C 356, 5.12.2013, p. 92.

(3)  Testi adottati tas-26.2.2014, P7_TA(2014)0151.

(4)  Roberts Zīle u Anrijs Matīss mexxew in-negozjati dwar l-att f'isem il-Parlament u l-Kunsill rispettivament.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Stqarrija tal-Kummissjoni dwar il-bord ta' ġestjoni tal-ERA, u dwar il-proċedura tal-għażla u tat-tneħħija tad-direttur eżekuttiv

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li, meta mqabbel mal-proposta oriġinali ppreżentata mill-Kummissjoni, it-test maqbul dwar ir-Regolament tal-ERA jiddevja mid-dispożizzjonijiet ewlenin maqbula mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fl-2012 skont l-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE. Dan jikkonċerna l-għadd ta' rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Bord ta' Ġestjoni, u l-proċedura tal-għażla u tat-tneħħija tad-direttur eżekuttiv. Il-Kummissjoni tenfasizza b'mod partikolari l-fatt li l-ħatra ta' osservatur fost il-membri tal-Bord ta' Ġestjoni biex isegwi l-proċedura tal-għażla applikata mill-Kummissjoni għall-ħatra tad-direttur eżekuttiv, ma għandhiex twassal għal rwoli doppji fil-proċeduri tal-għażla u tal-ħatra (l-Artikolu 51(1)).

Stqarrija tal-Kummissjoni dwar ir-riżorsi neċessarji tal-baġit

Ir-raba' pakkett ferrovjarju jagħti lill-ERA kompetenzi ġodda, b'mod partikolari l-poter li toħroġ awtorizzazzjonijiet għall-vetturi u ċertifikati tas-sikurezza direttament lis-settur. Ma jistax ikun eskluż li fil-perjodu ta' transizzjoni, it-tariffi u l-ħlasijiet ikun għadhom mhumiex disponibbli għall-ERA, minkejja li jkun hemm bżonn li jinħatar u jitħarreġ il-persunal. Sabiex jiġi evitat tfixkil fis-suq ferrovjarju, il-Kummissjoni se taħdem biex tirriżerva l-baġit neċessarju sabiex tkopri l-ispejjeż tal-persunal rilevanti.


21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/64


P8_TA(2016)0144

L-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea ***II

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (Tfassil mill-ġdid) (10579/1/2015 – C8-0416/2015 – 2013/0015(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

(2018/C 066/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (10579/1/2015 – C8-0416/2015),

wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Parlament Litwan u l-Parlament Svediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità fejn huwa ddikjarat li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2013 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta' Ottubru 2013 (2),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2013)0030),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0071/2016),

1.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

4.

Jissuġġerixxi li l-att jiġi kkwotat bħala “id-direttiva Bilbao Barandica-Matīss dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (tfassil mill-ġdid)” (4);

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri kollha ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att, flimkien mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.

(2)  ĠU C 356, 5.12.2013, p. 92.

(3)  Testi adottati tas-26.2.2014, P7_TA(2014)0149.

(4)  Izaskun Bilbao Barandica u Anrijs Matīss wettqu n-negozjati dwar l-att għall-Parlament u l-Kunsill rispettivament.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Stqarrija tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni

Il-Kummissjoni tfakkar li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni rrikonoxxew fid-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tagħhom tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, li l-informazzjoni li l-Istati Membri jagħtu lill-Kummissjoni rigward it-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali “għandha tkun ċara u preċiża” sabiex tiffaċilita l-kisba tal-inkarigu tal-Kummissjoni li tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Fil-każ preżenti, id-dokumenti ta' spjegazzjoni setgħu kienu utli għal dan il-għan. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li t-test finali ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar dan.


21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/66


P8_TA(2016)0145

Is-sikurezza ferrovjarja ***II

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ferrovjarja (tfassil mill-ġdid) (10580/1/2015 – C8-0417/2015 – 2013/0016(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

(2018/C 066/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (10580/1/2015 – C8-0417/2015),

wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Parlament Litwan, is-Senat Rumen u l-Parlament Żvediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, fejn huwa ddikjarat li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2013 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Ottubru 2013 (2),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2013)0031),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0056/2016),

1.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri kollha ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att, flimkien mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.

(2)  ĠU C 356, 5.12.2013, p. 92.

(3)  Testi adottati tas-26.2.2014, P7_TA(2014)0150.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Stqarrija tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni

Il-Kummissjoni tfakkar li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni rrikonoxxew fid-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tagħhom tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, li l-informazzjoni li l-Istati Membri jagħtu lill-Kummissjoni rigward it-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali “għandha tkun ċara u preċiża” sabiex tiffaċilita l-kisba tal-inkarigu tal-Kummissjoni li tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. F'dan il-każ partikolari, id-dokumenti ta' spjegazzjoni setgħu kienu utli għal dan il-għan. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li t-test finali ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar dan.


21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/68


P8_TA(2016)0146

L-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji (COM(2013)0641 – C7-0301/2013 – 2013/0314(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 066/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0641),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7–0301/2013),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni motivata ppreżentata, mill-House of Commons tar-Renju Unit, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, li tiddikjara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Jannar 2014 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2014 (2),

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-9 ta' Diċembru 2015, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0131/2015),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt (3);

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b’mod sustanzjali jew li tibdilha b’test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU C 113, 15.4.2014, p. 1.

(2)  ĠU C 177, 11.6.2014, p. 42.

(3)  Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fid-19 ta' Mejju 2015 (Testi adottati, P8_TA(2015)0195).


P8_TC1-COD(2013)0314

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-28 ta' April 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2016/1011.)