ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 47

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
8 ta' Frar 2018


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

L-Assemblea Parlamentari Euronest

2018/C 47/01

Regoli ta’ Proċedura Assemblea Parlamentari EURONEST adottati fit-3 ta’ Mejju 2011 fi Brussell, emendati fit-3 ta’ April 2012 f’Baku, fid-29 ta’ Mejju 2013 fi Brussell, fit-18 ta’ Marzu 2015 f’Yerevan u fl-1 ta’ Novembru 2017 f’Kiev

1

2018/C 47/02

Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti tal-Assemblea Parlamentari Euronest adottati mill-AP Euronest fit-3 ta’ Mejju 2011 u emendati fid-29 ta’ Mejju 2013 fi Brussell, fit-18 ta’ Marzu 2015 f’Yerevan u fl-1 ta’ Novembru 2017 f’Kiev

15


MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

L-Assemblea Parlamentari Euronest

8.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/1


REGOLI TA’ PROĊEDURA

Assemblea Parlamentari EURONEST adottati fit-3 ta’ Mejju 2011 fi Brussell, emendati fit-3 ta’ April 2012 f’Baku, fid-29 ta’ Mejju 2013 fi Brussell, fit-18 ta’ Marzu 2015 f’Yerevan u fl-1 ta’ Novembru 2017 f’Kiev

(2018/C 047/01)

Artikolu 1

Natura u għanijiet

1.   L-Assemblea Parlamentari EWRONEST hija l-istituzzjoni parlamentari tas-Sħubija tal-Lvant bejn l-Unjoni Ewropea u s-Sħab Ewropej tal-Lvant tagħha, li għaliha bħala regola jista’ japplika l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ibbażat fuq interessi u impenji reċiproċi kif ukoll fuq il-prinċipji tad-divrenzjar, is-sjieda kondiviża u r-responsabilità.

2.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tkun il-forum parlamentari li jippromwovi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex titħaffef l-assoċjazzjoni politika u tiżdied l-integrazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u s-Sħab Ewropej tal-Lvant. Hija għandha tikkontribbwixxi għat-tisħiħ, l-iżvilupp u l-viżibilità tas-Sħubija tal-Lvant, bħala l-istituzzjoni responsabbli għall-konsultazzjoni, il-kontroll u l-monitoraġġ parlamentari tas-Sħubija.

3.   Il-parteċipazzjoni fl-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tkun volontarja, sakemm il-kriterji tas-sħubija stabbiliti mill-Att Kostitwenti jiġu sodisfati, u l-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha żżomm spirtu ta’ integrazzjoni u trasparenza.

4.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tappoġġja, tippromwovi u tikkonsolida f’termini prattiċi s-Sħubija tal-Lvant billi tkopri l-erba’ pjattaformi tematiċi tagħha, jiġifieri:

(a)

il-kwistjonijiet relatati mal-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif ukoll kwistjonijiet relatati mal-ekonomija tas-suq, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba;

(b)

l-integrazzjoni ekonomika akbar bejn l-UE u s-Sħab Ewropej tal-Lvant tagħha, li tappoġġja r-riformi soċjoekonomiċi tas-Sħab Ewropej tal-Lvant, kif ukoll il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-investiment, li jwasslu għal konverġenza mal-liġijiet u l-istandards tal-UE bl-għan li jiġi stabbilit netwerk ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles li jkunu wesgħin u komprensivi;

(c)

mekkaniżmi ta’ appoġġ u sigurtà reċiproċi f’dak li jirrigwarda l-enerġija, u l-armonizzazzjoni tal-politiki u l-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija tas-Sħab Ewropej tal-Lvant;

(d)

il-promozzjoni tal-kuntatti bejn il-popli u l-iffaċilitar tal-interazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tas-Sħab Ewropej tal-Lvant, b’mod partikolari ż-żgħażagħ; il-promozzjoni tal-kooperazzjoni kulturali u tad-djalogu interkulturali kif ukoll l-appoġġ tal-edukazzjoni, ir-riċerka, l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni u tal-midja.

F’dan il-kuntest l-Assemblea parlamentari EURONEST għandha tfittex li jkun hemm koordinazzjoni xierqa bejn il-kumitati permanenti tagħha u l-ħidma tal-erba’ pjattaformi tematiċi. Bi ftehim reċiproku bejn il-kopresidenti tal-kumitati u l-presidenti tal-pjattaformi tematiċi, ir-rappreżentanti tal-kumitati tal-Assemblea parlamentari EURONEST jistgħu jattendu l-laqgħat tal-pjattaformi, u viċi-versa.

Artikolu 2

Kompożizzjoni

1.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST hija Assemblea konġunta u hija magħmula minn:

(a)

60 Membru tal-Parlament Ewropew;

(b)

10 Membri minn kull Parlament tas-Sħab Ewropej tal-Lvant li jieħu sehem.

2.   Il-membri tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, magħżulin mill-Parlament Ewropew u mill-Parlamenti tas-Sħab Ewropej tal-Lvant, għandhom jinħatru skont il-proċeduri stabbiliti, rispettivament, mill-Parlament Ewropew u minn kull Parlament tas-Sħab Ewropej tal-Lvant, sabiex, kemm jista’ jkun possibbli, ikun rifless it-tqassim tad-diversi gruppi politiċi u d-delegazzjonijiet irrappreżentati. F’konformità mal-istess proċeduri, kull Parlament li jieħu sehem jista’ jiddeċiedi li jaħtar membri sostituti fl-Assemblea Parlamentari EURONEST.

3.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tkun organizzata abbażi ta’ delegazzjonijiet parlamentari stabbiliti miż-żewġ komponenti tagħha. Il-membri jistgħu wkoll jorganizzaw lilhom infushom fil-qafas tal-familji politiċi tagħhom fi ħdan l-Assemblea Parlamentari EURONEST.

4.   Il-Parlamenti li jieħdu sehem għandhom jippromwovu l-bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħatriet fl-Assemblea Parlamentari EURONEST u fil-korpi tagħha.

5.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tiżgura li l-kompożizzjoni tal-korpi kollha tagħha tkun bilanċjata fir-rigward tat-tqassim tal-familji politiċi u n-nazzjonalità tal-membri.

6.   Kull siġġu li ma jittiħidx għandu jibqa’ madankollu disponibbli għall-Parlament li lilu jkun ġie assenjat.

Artikolu 3

Responsabbiltajiet

1.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST hija l-forum Parlamentari għad-dibattitu, il-konsultazzjoni, is-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-kwistjonijiet kollha dwar is-Sħubija tal-Lvant. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha s-setgħa li, inter alia, tadotta riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet indirizzati lis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant, lill-istituzzjonijiet u lill-Konferenzi tal-Ministri ddedikati għall-iżvilupp tas-Sħubija tal-Lvant, kif ukoll lill-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijet tas-Sħab Ewropej tal-Lvant.

2.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tippromwovi u tinkuraġġixxi l-akbar użu tal-programmi tal-UE li huma miftuħa għas-Sħab Ewropej tal-Lvant.

Artikolu 4

Presidenza u Bureau

1.   Iż-żewġ komponenti tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandhom jeleġġu Bureau minn fost il-membri tagħhom, li jkun jikkonsisti f’żewġ Kopresidenti bi status indaqs (wieħed minn kull komponent tal-Assemblea Parlamentari EURONEST) u għadd ta’ Viċi Presidenti (wieħed minn kull pajjiż tas-Sħab Ewropej tal-Lvant li jieħu sehem, li jkunu differenti mill-pajjiż tal-Kopresident rilevanti u għadd indaqs mill-Parlament Ewropew). Il-proċeduri elettorali u l-mandati għandhom jiġu deċiżi minn kull komponent b’mod separat.

2.   Kull membru tal-Bureau li ma jkunx jista’ jattendi l-laqgħa tal-Bureau li jkun jmiss jista’ jiġi sostitwit minn membru tal-Assemblea Parlamentari EURONEST li jkun tal-istess grupp politiku fil-Parlament Ewropew jew fl-istess Delegazzjoni tas-Sħab Ewropej tal-Lvant. Il-Kopresidenti għandhom jiġu infurmati bil-miktub dwar is-sostituzzjoni qabel il-laqgħa. Jekk il-Kopresident jiġi sostitwit, is-sostitut għandu jassumi l-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-Bureau, iżda mhux dawk tal-Kopresident.

3.   Il-Bureau huwa responsabbli mill-koordinazzjoni tal-ħidmiet tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, il-monitoraġġ tal-attivitajiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha, u l-istabbiliment ta’ relazzjonijiet mas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant, mal-Konferenzi tal-Ministri u mal-gruppi tal-uffiċjali għolja u l-ambaxxaturi, kif ukoll mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u korpi oħrajn. Il-Bureau jirrappreżenta lill-Assemblea fir-relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet oħrajn.

4.   Fuq inizjattiva tal-Kopresidenti, il-Bureau għandu jiltaqa’ mill-anqas darbtejn f’sena, b’darba minnhom taħbat mas-sessjoni plenarja tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. Il-kworum tal-Bureau jintlaħaq meta jkun hemm preżenti tal-anqas nofs il-membri tal-komponent tiegħu tas-Sħab Ewropej tal-Lvant u nofs il-membri mill-komponent tiegħu tal-Parlament Ewropew.

5.   Il-Bureau għandu jfassal l-abbozz ta’ aġenda għall-Assemblea Parlamentari EURONEST u jistabbilixxi l-proċeduri li bihom għandha titmexxa l-Assemblea.

6.   Il-Bureau għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kompożizzjoni u r-responsabilitajiet tal-kumitati u tal-gruppi ta’ ħidma. Il-Bureau għandu jkun responsabbli wkoll li jawtorizza lill-kumitati jfasslu rapporti, mozzjonijiet għal riżoluzzjoni u rakkomandazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Bureau jista’ jressaq diversi kwistjonijiet biex jiġu eżaminati mill-kumitati u dawn jistgħu jfasslu rapporti dwar suġġett partikolari.

7.   Il-Bureau għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti. Jekk xi Membru jew sostitut ta’ Membru tal-Bureau li jkun jirrappreżenta delegazzjoni ta’ Sieħeb Ewropew tal-Lvant jiddikkjara f’isem id-delegazzjoni tiegħu li l-kontenut tad-deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Bureau jkun se jkollu impatt fuq l-interess vitali ta’ pajjiżu, u jipprovdi spjegazzjoni bil-miktub bid-deskrizzjoni tal-ħsara biex juri dan, ikun meħtieġ kunsens fost il-Membri tal-Bureau għall-adozzjoni. Din l-għażla tista’ tintuża biss f’każijiet eċċezzjonali meta s-sopravivenza, is-sigurtà u l-vitalità tan-nazzjon jiġu affettwati b’mod speċjali mid-deċiżjoni proposta u għandha tirrelata biss ma’ dik il-parti ta’ deċiżjoni li jkollha impatt fuq l-interessi vitali ta’ dak il-pajjiż Sieħeb Ewropew tal-Lvant. Din l-għażla m’għandhiex tintuża biex tipprovoka n-nuqqas mill-Bureau li jadotta deċiżjoni sħiħa jew għal deċiżjonijiet ta’ natura teknika jew proċedurali.

8.   Jekk, meta jiġi kkalkulat il-kworum tal-Membri preżenti jew l-għadd ta’ voti biex tinkiseb maġġoranza ta’ żewġ terzi, iċ-ċifra ma tkunx numru sħiħ, din tal-aħħar għandha tinġibed ’il fuq għad-dritt.

Artikolu 5

Ir-Relazzjonijiet mas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant, mal-Kunsill tal-Ministri, mal-Kummissjoni Ewropea u mal-konferenzi tal-Ministri

1.   Il-Bureau għandu jifforma relazzjonijiet aktar mill-qrib fl-oqsma kollha mal-istituzzjonijiet u l-korpi tas-Sħubija tal-Lvant u mal-organizzazzjonijiet tas-Sħubija tal-Lvant.

2.   Ir-rappreżentanti tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant, il-Kunsill tal-Ministri, il-Kummissjoni Ewropea, u l-konferenzi tal-Ministri ddedikati għall-iżvilupp u t-tisħiħ tas-Sħubija tal-Lvant, għandhom jiġu mistiedna mill-Bureau biex jieħdu sehem fis-sessjonijiet u l-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari EURONEST u tal-korpi tagħha.

Artikolu 6

Osservaturi

1.   Fuq proposta tal-Bureau, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’ tippermetti li rappreżentanti tal-Parlamenti tat-Troika tal-UE jattendu għal-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari EURONEST bħala osservaturi.

2.   Il-Bureau jista’ jistieden ukoll rappreżentanti minn istituzzjonijiet u korpi oħrajn, kif ukoll persuni oħrajn, biex jattendu s-sessjonijiet u l-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, u tal-kumitati u tal-gruppi ta’ ħidma tagħha.

3.   Il-Bureau jista’ jorganizza wkoll kooperazzjoni informali u ad hoc mal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE.

Artikolu 7

Sessjonijiet Plenarji tal-Assemblea Parlamentari EURONEST

1.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tissejjaħ mill-Kopresidenti tagħha, u bħala regola għandha tiltaqa’ darba fis-sena, u talterna l-post bejn pajjiż li jagħmel parti mis-Sħab Ewropej tal-Lvant u wieħed mill-postijiet ta’ ħidma tal-Parlament Ewropew, fuq stedina tal-Parlament Ewropew jew tal-Parlament tas-Sieħeb Ewropew tal-Lvant li jkun qed jospita s-sessjoni. Fis-snin li fihom jiġu organizzati s-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, l-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tissejjaħ biex tiltaqa’ ftit qabel id-data tas-Summit.

2.   Fuq talba tal-Bureau, il-Kopresidenti jistgħu jsejħu sessjoni straordinarja tal-Assemblea Parlamentari EURONEST.

3.   L-ewwel seduta ta’ kull sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tinfetaħ mill-President tal-Parlament Ewropew jew mill-President tal-Parlament tas- Sieħeb Ewropew tal-Lvant li jkun qed jospita s-sessjoni.

Artikolu 8

Presidenza tas-sessjonijiet

1.   Il-Kopresidenti għandhom jiddeċiedu flimkien min minnhom għandu jkun il-President ta’ kull sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. Il-President jista’ jagħżel li jiġi ssostitwit f’din il-kariga minn Kopresident ieħor jew minn Viċi President matul is-sessjoni.

2.   Il-President jiftaħ, jissospendi u jagħlaq is-seduti. Huwa għandu jiżgura li r-Regoli ta’ Proċedura jiġu osservati, iżomm l-ordni, jgħaddi l-kelma, jillimita l-ħin tal-kelliema, iressaq il-kwistjonijiet għall-votazzjoni u jħabbar ir-riżultat tal-votazzjonijiet.

3.   Il-President għandu jiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jitfaċċaw fis-sessjonijiet, inklużi dawk li ma kinux previsti fir-Regoli ta’ Proċedura. F’każ ta’ bżonn, huwa jista’ jikkonsulta lill-Bureau.

4.   Il-President jista’ jitkellem f’dibattitu biex jippreżenta suġġett jew biex jitlob għall-ordni biss. Jekk huwa jixtieq jipparteċipa f’dibattitu, huwa ma jistax jibqa’ president u għandu jċedi postu lil Kopresident ieħor jew lil Viċi President.

Artikolu 9

Aġenda

1.   Il-Kopresidenti għandhom iressqu l-abbozz tal-aġenda għas-sessjoni plenarja, stabbilit mill-Bureau, quddiem l-Assemblea Parlamentari EURONEST għall-approvazzjoni tagħha.

2.   Fl-abbozz ta’ aġenda ta’ kull sessjoni plenarja għandhom jiddaħħlu żewġ kategoriji ta’ temi:

(a)

ir-rapporti mressqa mill-kumitati permanenti; dawn għandhom ikunu limitati, fil-prinċipju, għal rapport wieħed f’kull sessjoni plenarja għal kull kumitat. Il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni, li jistgħu jkunu wkoll inklużi f’rapport, għandhom jitressqu erba’ ġimgħat qabel ma tibda s-sessjoni plenarja. Il-perjodu massimu ta’ żmien allokat għall-mozzjonijiet għar-riżoluzzjoni huwa stipulat fl-Anness II tar-Regoli ta’ Proċedura. Il-Bureau jista’ jiddeċiedi, fuq talba mill-Kopresidenti tal-Kumitati, kemm-il rapport se jiġi vvutat għal kull sessjoni skont il-progress tax-xogħol għat-tħejjija tar-rapporti.

(b)

it-temi urġenti proposti minn Kumitat Permanenti jew ippreżentati mill-Bureau innifsu; it-temi urġenti għandhom jiġu inklużi biss fuq bażi eċċezzjonali u ma jistax ikun hemm aktar minn tlieta f’kull sessjoni;

3.   Mill-anqas 10 membri tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, minn tal-anqas żewġ delegazzjonijiet jew grupp politiku fil-Parlament Ewropew jistgħu jressqu mozzjoni għal riżoluzzjoni dwar xi tema urġenti. Il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni dwar temi urġenti għandhom ikunu limitati għall-punt “Kwistjonijiet urġenti” mniżżla fl-aġenda tas-sessjoni u m’għandhomx ikunu itwal minn 1 000 kelma. Il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni dwar temi urġenti għandhom jitressqu 48 siegħa qabel ma tibda s-sessjoni li matulha jkunu se jiġu diskussi u tkun se tittieħed votazzjoni dwarhom.

4.   Il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni dwar temi urġenti għandhom jitressqu lill-Bureau, li għandu jivverifika li kull waħda minnhom tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3, tiddaħħal fl-aġenda u tkun disponibbli fil-lingwi ta’ ħidma tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. Il-proposti tal-Bureau għandhom jitressqu għall-approvazzjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST.

Artikolu 10

Kworum

1.   Il-kworum tal-Assemblea Parlamentari EURONEST jintlaħaq meta jkun hemm preżenti tal-anqas terz tal-membri tal-komponent tiegħu tas-Sħab Ewropej tal-Lvant u terz tal-membri tal-komponent tiegħu tal-Parlament Ewropew.

2.   Il-votazzjonijiet kollha għandhom ikunu validi jkun xi jkun l-għadd ta’ votanti, ħlief jekk il-President, fuq talba li ssir qabel tibda l-votazzjoni minn mhux anqas minn 15-il Membru preżenti, jistabbilixxi li fil-ħin tal-votazzjoni ma hemmx kworum. Jekk l-għadd tal-voti juri li ma hemmx kworum, il-votazzjoni għandha titqiegħed fl-aġenda tas-seduta li jkun imiss.

Artikolu 11

Ordni tal-postijiet

1.   Il-membri kollha għandhom ipoġġu f’ordni alfabetiku, skont l-isem, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. Il-Bureau għandu jpoġġi fuq quddiem.

2.   Ir-rappreżentanti tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant, tal-Kunsill tal-Ministri, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-konferenzi tal-Ministri u l-osservaturi għandhom ipoġġu f’post separat mill-membri.

Artikolu 12

Lingwi uffiċjali u ta’ ħidma

1.   Il-lingwi uffiċjali tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-lingwi uffiċjali tas-Sħab Ewropej tal-Lvant. Il-lingwi ta’ ħidma għandhom ikunu l-Ingliż, il-Ġermaniż, il-Franċiż u r-Russu. Fi kwalunkwe post ta’ ħidma, kwalunkwe appoġġ lingwistiku mitlub biex jiġi żgurat li kull membru tal-Assemblea Parlamentari EURONEST ikun jista’ jipparteċipa bis-sħiħ fil-proċeduri tagħha jista’ jingħata mis-servizzi rilevanti tal-Parlament Ewropew, sakemm il-Parlament tal-pajjiż li jkun qed jospita l-laqgħa jaqbel.

2.   Il-Parlament li jkun qed jospita l-laqgħa għandu jagħmel id-dokumenti ta’ ħidma disponibbli għall-membri tal-Assemblea Parlamentari EURONEST bil-lingwi kollha ta’ ħidma tagħha u, fejn hu possibbli, fil-lingwi uffiċjali kollha.

3.   Bħala prinċipju, u sa fejn ikun possibbli, il-membri kollha jistgħu jintervjenu fid-dibattiti tal-Assemblea Parlamentari EURONEST b’waħda mil-lingwi uffiċjali tagħha. L-interpretazzjoni tal-interventi għandha tkun fil-lingwi ta’ ħidma tal-Assemblea Parlamentari EURONEST u, unikament jekk ikun possibbli skont il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-Multilingwaliżmu tal-Parlament Ewropew, fil-lingwi uffiċjali rilevanti tal-Unjoni Ewropea meta l-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari EURONEST isiru f’wieħed mill-postijiet ta’ ħidma tal-Parlament Ewropew.

4.   Il-laqgħat tal-kumitati u, fejn ikun xieraq, tal-gruppi ta’ ħidma, kif ukoll is-seduti ta’ smigħ, għandhom isiru fil-lingwi ta’ ħidma, mingħajr ħsara għall-possibilitajiet previsti fir-Regoli ta’ Proċedura.

5.   It-testi adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST għandhom jiġu ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u mill-Parlamenti tas-Sħab Ewropej tal-Lvant fil-lingwi uffiċjali tagħhom, bil-mod li kull wieħed minnhom iqis li jkun jixraq.

Artikolu 13

In-natura pubblika tad-dibattiti

Is-sessjonijiet tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandhom ikunu pubbliċi, għajr jekk hija stess tiddeċiedi mod ieħor.

Artikolu 14

Id-dritt li persuna titkellem

1.   Membru tal-Assemblea Parlamentari EURONEST jista’ jitkellem bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-President.

2.   Ir-rappreżentanti tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant, tal-Kunsill tal-Ministri, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-konferenzi tal-Ministri u l-osservaturi jistgħu jitkellmu meta jiġu awtorizzati jagħmlu dan mill-President.

3.   Jekk kelliem joħroġ barra mis-suġġett, il-President tas-sessjoni għandu jitolbu jirregola ruħu. Jekk il-kelliem jippersisti, il-President jista’ ma jħallihx jitkellem għal tul ta’ ħin li jqis xieraq.

Artikolu 15

Punti ta’ ordni

1.   Membru jista’ jressaq punt ta’ ordni jew mozzjoni ta’ proċedura u għandu jkollu d-dritt li jitkellem minn qabel, għal mhux aktar minn żewġ minuti.

2.   Jekk Membru jitlob li jintervieni kontra l-mozzjoni mressqa, il-President jista’ jħallih jitkellem għal mhux aktar minn żewġ minuti.

3.   L-ebda kelliema oħra m’għandhom jitkellmu.

4.   Il-President għandu jħabbar id-deċiżjoni tiegħu dwar il-punt ta’ ordni jew dwar il-mozzjoni ta’ proċedura. F’każ ta’ bżonn, huwa jista’ jikkonsulta lill-Bureau.

Artikolu 16

Drittijiet tal-vot u proċeduri ta’ votazzjoni

1.   Kull membru bi dritt għall-vot għandu jkollu vot wieħed, personali u mhux trasferibbli.

2.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tivvota elettronikament. Jekk il-votazzjoni elettronika ma tkunx possibbli, l-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tivvota b’turija tal-idejn. Jekk ir-riżultat tal-votazzjoni bit-turija tal-idejn ikun dubjuż, għandha ssir votazzjoni mill-ġdid bl-użu tal-karti kkuluriti.

3.   L-Għadd tal-voti għandu jsir mill-Kummissjoni tal-Għadd, li tkun tikkonsisti f’żewġ partijiet indaqs ta’ rappreżentanti tas-segretarjati taż-żewġ komponenti tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. Il-Kummissjoni tal-Għadd għandha tinħatar mill-Bureau qabel il-bidu ta’ kull sessjoni u għandha tirrapporta r-riżultat tal-għadd tal-voti direttament lill-Kopresidenti.

4.   B’talba bil-miktub ta’ mill-anqas 15-il membru mressqa qabel is-6 p.m. ta’ lejliet il-votazzjoni, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’ tiddeċiedi li tivvota permezz ta’ votazzjoni sigrieta.

5.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b’maġġoranza sempliċi tal-membri li jkunu ħadu sehem fil-votazzjoni. Jekk titressaq talba għal votazzjoni minn komponenti separati qabel ma tibda l-votazzjoni, minn tal-anqas wieħed minn kull għaxar membri li jagħmlu parti minn tal-anqas żewġ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew jew jagħmlu parti tal-anqas minn żewġ delegazzjonijiet mill-komponent tas-Sħab Ewropej tal-Lvant tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, għandu jittieħed vot li fih ir-rappreżentanti tal-komponent tas-Sħab Ewropej tal-Lvant u r-rappreżentanti tal-komponent tal-Parlament Ewropew għandhom jivvotaw b’mod separat, għalkemm fl-istess ħin (1). It-test inkwistjoni għandu jitqies adottat jekk tinkiseb maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa b’mod separat fiż-żewġ komponenti.

6.   Meta t-test li dwaru tkun trid issir votazzjoni jkun fih żewġ dispożizzjonijiet jew aktar jew referenzi għal żewġ punti jew aktar jew iwassal għal diviżjoni f’żewġ partijiet jew aktar li jkollhom tifsira distinta u/jew valur nominattiv, tista’ tintalab votazzjoni maqsuma minn grupp politiku tal-Parlament Ewropew jew minn minimu ta’ 5 membri tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. It-talba għandha titressaq bil-miktub lill-Kopresidenti sas-6 p.m. ta’ lejliet il-jum tal-votazzjoni, sakemm il-Kopresidenti ma jiffissawx data ta’ skadenza differenti.

Artikolu 17

Riżoluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari EURONEST

1.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’ tadotta riżoluzzjonijiet u tressaq rakkomandazzjonijiet indirizzati lis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant u lill-istituzzjonijiet, korpi, gruppi u konferenzi tal-Ministri ddedikati għat-tisħiħ tas-Sħubija tal-Lvant jew indirizzati lill-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tas-Sħab Ewropej tal-Lvant, dwar kwistjonijiet relatati mad-diversi oqsma koperti mis-Sħubija.

2.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tivvota għal mozzjonijiet għal riżoluzzjoni inklużi fir-rapporti ppreżentati mill-kumitati permanenti.

3.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tivvota wkoll, fejn hu xieraq, dwar mozzjonijiet għal riżoluzzjoni dwar temi urġenti.

4.   Jekk ikun il-każ, il-President għandu jistieden lill-awturi ta’ mozzjonijiet għal riżoluzzjoni simili dwar temi urġenti biex ifasslu mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta. Fl-aħħar tad-dibattitu, l-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha l-ewwel tivvota għal kull waħda minn dawn il-mozzjonijiet u għall-emendi korrispondenti. Ladarba titressaq riżoluzzjoni konġunta, il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni l-oħra kollha mressqa dwar l-istess tema mill-istess awturi għandhom jaqgħu. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni konġunta għandha twaqqa’ t-testi l-oħra dwar l-istess tema. F’każ li ma tiġi adottata l-ebda riżoluzzjoni konġunta, għandhom jiġu vvutati l-bqija tal-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni fl-ordni tat-tressiq tagħhom.

Artikolu 18

Messaġġi għal-laqgħat tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant

Il-Bureau tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandu jressaq messaġġ lil-laqgħa tas-Summit, jew, jekk ikun il-każ, lil-laqgħa ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant, ibbażat fuq ir-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST. Il-messaġġ għandu jintbagħat lill-istituzzjonijiet rilevanti b’mod konġunt mill-Kopresidenti.

Artikolu 19

Stqarrijiet

Il-Bureau jista’ jilħaq qbil b’mod urġenti dwar stqarrijiet relatati ma’ kull kwistjoni relatata mas-Sħubija tal-Lvant u bi tweġiba għal xi emerġenza naturali, il-bidu ta’ kriżi jew konflitti li jinħolqu, li fihom titqies utli jew tinħass il-ħtieġa li ssir sejħa istituzzjonali li tħeġġeġ lil dawk involuti biex joqogħdu lura milli jirrikorru għall-vjolenza u/jew isiru negozjati politiċi, jew li tħeġġeġ is-solidarjetà mal-persuni u l-pajjiżi milquta. Tali stqarrijiet għandhom jissejsu fuq kwalunkwe riżoluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet eżistenti adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST u għandhom jintbagħtu mill-aktar fis possibbli lill-Membri kollha tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għal skopijiet ta’ informazzjoni. Il-Kopresidenti għandhom jagħmluhom pubbliċi.

Artikolu 20

Emendi

1.   L-emendi tat-testi diskussi fis-sessjoni għandhom jitressqu minn tal-anqas 5 Membri tal-Assemblea Parlamentari EURONEST jew minn grupp politiku kif imsemmi fl-Artikolu 2.3. L-emendi għandhom jirreferu għat-test li jkunu qed jippruvaw jemendaw u għandhom jitressqu bil-miktub. Il-Bureau jista’ jiddeċiedi li l-emenda tkun inammissibbli, abbażi ta’ dawn il-kriterji.

2.   L-iskadenza għat-tressiq tal-emendi għandha tiġi mħabbra fil-bidu tas-sessjoni.

3.   Matul il-votazzjoni, l-emendi għandu jkollhom prijorità fuq it-test li jirreferu għalih.

4.   Meta jitressqu żewġ emendi jew aktar dwar l-istess parti tat-test, l-ewwel għandha titressaq għall-votazzjoni dik l-emenda li bil-kontenut tagħha titbiegħed l-aktar mit-test oriġinali. Huma ammissibbli biss l-emendi orali li jikkoreġu żbalji fattwali jew lingwistiċi. L-ebda emendi orali oħra ma hija ammissibbli.

5.   L-Assemblea m’għandha tikkunsidra l-ebda emenda (inklużi l-emendi orali) li dwarha tkun tqajmet oġġezzjoni ta’ interess vitali.

Artikolu 21

Mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub

1.   Kull Membru tal-Assemblea Parlamentari EURONEST jista’ jagħmel mistoqsijiet li jitolbu tweġiba bil-miktub lill-korpi ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant, lill-Presidenza fil-kariga tas-Summit, lill-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea jew lill-Kummissjoni Ewropea.

2.   Dawn il-mistoqsijiet għandhom jirrigwardaw is-Sħubija tal-Lvant u b’mod partikolari l-erba’ pjattaformi tematiċi tagħha. Dawn il-mistoqsijiet għandhom jitressqu bil-miktub lill-Bureau, li għandu jiddeċiedi jekk iqishomx ammissibbli, u f’dak il-każ, għandu jgħaddihom lill-korpi rilevanti, billi jitlob speċifikament tweġiba bil-miktub fi żmien xahrejn mid-data meta l-mistoqsija tkun tressqet.

Artikolu 22

Mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali

1.   F’kull sessjoni għandu jiġi allokat ħin għall-mistoqsijiet lill-korpi ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant, lill-Presidenza fil-kariga tas-Summit, lill-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni Ewropea, fil-ħin li jiddeċiedi l-Bureau b’tali mod li tkun żgurata l-preżenza tal-istituzzjonijiet imsemmija hawn fuq fl-ogħla livell.

2.   Kull membru tal-Assemblea Parlamentari EURONEST jista’ jressaq mistoqsija waħda biss li titlob tweġiba orali. Dawn il-mistoqsijiet għandhom jirrigwardaw is-Sħubija tal-Lvant u b’mod partikolari l-erba’ pjattaformi tematiċi tagħha. Fil-każ ta’ mistoqsija li titressaq minn bosta membri, membru wieħed biss għandu jingħata d-dritt li jitkellem sabiex iressaqha bil-fomm. Il-mistoqsijiet, li m’għandhomx jaqbżu l-100 kelma, għandhom jitressqu bil-miktub lill-Bureau sal-iskadenza ffissata minnu. Il-Bureau għandu jiddeċiedi jekk ikunux ammissibbli jew le. B’mod partikolari, il-Bureau għandu jiddikjara inammissibbli l-mistoqsijiet relatati mas-suġġetti li diġà jkunu inklużi fl-aġenda tas-sessjoni. Il-mistoqsijiet iddikjarati ammissibbli għandhom jintbagħtu lill-istituzzjonijiet rilevanti. Il-Kopresidenti għandhom jiddeċiedu l-ordni li fih jiġu ppreżentati l-mistoqsijiet orali u l-awturi tal-mistoqsijiet għandhom ikunu infurmati bid-deċiżjoni tagħhom.

3.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST ma għandhiex tiddedika aktar minn sagħtejn kull sessjoni għall-eżaminazzjoni tal-mistoqsijiet b’talba għal risposta orali. Il-mistoqsijiet li ma jistgħux jingħataw tweġiba minħabba n-nuqqas ta’ ħin għandhom jirċievu tweġiba bil-miktub, sakemm l-awturi tagħhom ma jirtirawhomx. Mistoqsija orali tista’ tingħata tweġiba biss jekk l-awtur tagħha jkun preżenti.

4.   Il-korpi ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant, il-Presidenza fil-kariga tas-Summit, il-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jintalbu jwieġbu fil-qosor għall-mistoqsijiet. Fuq talba ta’ mill-anqas 20 Membru jew aktar tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, ir-risposta tista’ twassal għal dibattitu. Il-President għandu jistabbilixxi l-limitu taż-żmien għal dan id-dibattitu.

Artikolu 23

Talbiet għall-opinjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST

Fuq talba tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant, il-konferenzi ministerjali, il-Kummissjoni Ewropea jew istituzzjonijiet oħra rilevanti tal-UE jew tas-Sħubija tal-Lvant, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’, fuq rakkomandazzjoni tal-Bureau, tiddeċiedi li tfassal opinjonijiet u proposti għall-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi dwar id-diversi sferi ta’ attività tas-Sħubija tal-Lvant. F’dawn il-każijiet, it-talba għandha titressaq quddiem il-Bureau, li jista’ jressaqha quddiem l-Assemblea Parlamentari EURONEST flimkien ma’ rakkomandazzjoni.

Artikolu 24

Il-minuti tal-proċedimenti

L-abbozz tal-minuti tas-sessjonijiet plenarji u dawk tal-laqgħat tal-Bureau, tal-kumitati permanenti u tal-gruppi ta’ ħidma, flimkien mar-reġistri tal-attendenza u t-testi tad-deċiżjonijiet adottati, għandhom jiġu ppreparati u jinżammu mis-Segretarjat tad-Delegazzjoni li jkun qed jospita s-sessjonijiet u l-laqgħat. Mat-tlestija, id-Delegazzjonijiet l-oħra jirċievu kopja ta’ dan l-abbozz tal-minuti.

Artikolu 25

Il-kumitati permanenti

1.   Sabiex teżamina l-aspetti konkreti tas-Sħubija tal-Lvant aktar fid-dettall, l-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha twaqqaf l-erba’ kumitati permanenti li ġejjin:

il-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

il-Kumitat għall-Integrazzjoni Ekonomika, l-Approssimazzjoni Legali u l-Konverġenza mal-Politiki tal-UE;

il-Kumitat għas-Sigurtà tal-Enerġija;

il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali, l-Impjiegi, l-Edukazzjoni, il-Kultura u s-Soċjetà Ċivili.

2.   F’konformità mal-arranġamenti ġenerali għall-funzjonament tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, il-kumitati permanenti għandhom ikunu magħmula minn membri tal-Assemblea, f’konformità mal-Artikolu 2, u għandhom jaħdmu b’mod strettament konġunt. Is-setgħat, ir-responsabilitajiet, is-sħubija u l-proċeduri tal-kumitati permanenti huma stipulati fl-Anness I.

3.   Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST fuq proposta tal-Bureau.

Artikolu 26

Kumitati temporanji u ta’ segwitu

Fi kwalunkwe mument, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’, fuq proposta tal-Bureau jew ta’ membri tal-Assemblea, inklużi tal-anqas terz tal-komponent tas-Sħab Ewropej tal-Lvant u terz tal-komponent tal-Parlament Ewropew, twaqqaf kumitati temporanji jew ta’ sewgitu u, fil-ħin tad-deċiżjoni li twaqqafhom, għandha tistabbilixxi r-responsabilitajiet, il-kompożizzjoni u l-mandat tagħhom. Mhux aktar minn żewġ kumitati ta’ dan it-tip jistgħu joperaw fl-istess ħin. Il-kumitati ta’ segwitu għandhom massimu ta’ sena sabiex ilestu ħidmiethom, u f’każijiet speċjali dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’6 xhur oħra.

Artikolu 27

Gruppi ta’ ħidma u seduti ta’ smigħ

1.   Il-Bureau jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf gruppi ta’ ħidma dwar aspett speċifiku tas-Sħubija tal-Lvant jew li jibgħat missjonijiet ta’ sejbien tal-fatti f’pajjiżi Sħab Ewropej tal-Lvant jew pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jew f’organizzazzjonijiet internazzjonali, fil-limiti tal-baġit. Fiż-żewġ każijiet, il-Bureau għandu jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni, ir-responsabilitajiet u l-kompożizzjoni tagħhom. Dawn il-gruppi ta’ ħidma jew missjonijiet jistgħu jiġu inkarigati jfasslu rapporti u mozzjonijiet għal riżoluzzjoni jew rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Assemblea Parlamentari EURONEST. Il-gruppi ta’ ħidma għandhom ikomplu joperaw sakemm l-Assemblea Parlamentari EURONEST tiddeċiedi mod ieħor. L-għadd ta’ membri minn kull komponent ta’ grupp ta’ ħidma għandu jkun ugwali.

2.   Kull membru tal-Gruppi ta’ Ħidma li ma jkunx jista’ jattendi laqgħa jista’ jiġi ssostitwit minn membru tal-Assemblea Parlamentari EURONEST li jappartjeni fl-istess grupp politiku fil-Parlament Ewropew jew fl-istess Delegazzjoni tas-Sħab Ewropej tal-Lvant. Il-Kopresidenti tal-Grupp ta’ Ħidma kkonċernat għandhom jiġu infurmati bil-miktub dwar is-sostituzzjoni qabel il-laqgħa.

3.   Bil-għan li tikseb fehim akbar bejn il-popli tal-Unjoni Ewropea u dawk li jagħmlu parti mis-Sħab Ewropej tal-Lvant, u li trawwem l-għarfien tal-pubbliku dwar kwistjonijiet marbuta mas-Sħubija tal-Lvant, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’ torganizza seduti ta’ smigħ b’mod regolari. Dawn il-laqgħat għandhom jiġu organizzati taħt ir-responsabilità tal-Bureau u għandhom jipprovdu l-opportunità jistiednu persuni li jistgħu jinfurmaw lill-Assemblea Parlamentari EURONEST dwar sitwazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali ta’ tħassib.

Artikolu 28

Relazzjonijiet mal-Kumitati Parlamentari Konġunti (KPK), Kumitati Parlamentari ta’ Kooperazzjoni (PCC) u Delegazzjonijiet

1.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’ tistieden lill-Kumitati Parlamentari Konġunti (KPK), lill-Kumitati Parlamentari ta’ Kooperazzjoni (PCC) u lid-delegazzjonijiet, li twaqqfu skont il-Ftehimiet fis-seħħ, u lil kwalunkwe kumitat jew delegazzjoni oħra li jistgħu jinħolqu sussegwentement, biex jikkollaboraw f’xogħolha.

2.   Din l-istedina tista’ tinkludi, b’mod partikolari, il-laqgħa tal-Kumitati Parlamentari Konġunti (KPK), Kumitati Parlamentari ta’ Kooperazzjoni (PCC) u d-delegazzjonijiet li jkunu jeżistu matul is-sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST.

Artikolu 29

Finanzjament tal-ispejjeż ta’ organizzazzjoni, parteċipazzjoni, interpretazzjoni u traduzzjoni

1.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 12.1, il-Parlament li jorganizza sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, laqgħa tal-Bureau, jew laqgħa tal-Kumitati jew tal-gruppi ta’ ħidma għandu jkun responsabbli għall-arranġamenti prattiċi tal-organizzazzjoni tas-sessjoni jew tal-laqgħa.

2.   Fuq proposta tal-Bureau, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’ tirrakkomanda li għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-bqija tal-Parlamenti biex tiġi koperta n-nefqa għall-organizzazzjoni ta’ sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST jew ta’ laqgħa ta’ Kumitat jew grupp ta’ ħidma.

3.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tas-sussistenza u tat-trasport lokali ta’ kull parteċipant għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni li tagħha jkun membru.

4.   L-ispejjeż għall-organizzazzjoni għandu jkoprihom il-Parlament li jorganizza sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, laqgħa tal-Bureau, jew laqgħa ta’ wieħed mill-Kumitati jew gruppi ta’ ħidma, skont id-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafi li ġejjin.

5.   Meta sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, laqgħa tal-Bureau, jew ta’ wieħed mill-Kumitati jew grupp ta’ ħidma ssir fil-postijiet ta’ ħidma tal-Parlament Ewropew, dan tal-aħħar għandu, mingħajr ħsara għall-Artikolu 12.1 u minħabba d-diversità lingwistika tiegħu stess, jipprovdi interpretazzjoni fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont x’teħtieġ kull laqgħa u skont il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-Multilingwiżmu tal-Parlament Ewropew.

6.   Meta sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, laqgħa tal-Bureau, jew laqgħa ta’ wieħed mill-Kumitati jew tal-grupp ta’ ħidma ssir lil hinn mill-postijiet ta’ ħidma tal-Parlament Ewropew, dan tal-aħħar għandu, mingħajr ħsara għall-Artikolu 12.1, u minħabba d-diversità lingwistika tiegħu, jipprovdi biss interpretazzjoni fil-lingwi ta’ ħidma tal-Assemblea Parlamentari EURONEST u fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li għandhom jintużaw mill-membri tal-Parlament Ewropew skont il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-Multilingwaliżmu tal-Parlament Ewropew.

7.   Il-Parlament Ewropew għandu jieħu r-responsabilità tat-traduzzjoni tad-dokumenti uffiċjali adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST għal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Jekk il-Parlamenti tas-Sħab Ewropej tal-Lvant jaqblu, u minħabba d-diversità lingwistika tagħha, l-istituzzjoni msemmija għandha wkoll tieħu r-responsabilità tat-traduzzjoni fil-lingwi ta’ ħidma tal-Assemblea Parlamentari EURONEST tad-dokumenti li jkunu tfasslu waqt it-tħejjija għal-laqgħat jew matul il-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari EURONEST u tal-korpi tagħha. Il-Parlamenti tas-Sħab Ewropej tal-Lvant għandhom jieħdu r-responsabilità tat-traduzzjoni tad-dokumenti uffiċjali adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST għal-lingwi uffiċjali rispettivi ta’ pajjiżhom.

Artikolu 30

Segretarjat

1.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tkun megħjuna fil-preparazzjoni u l-operazzjoni bla xkiel tal-ħidma tal-Assemblea minn Segretarjat magħmul minn uffiċjali meħuda minn kull wieħed miż-żewġ komponenti tal-Assemblea Parlamentari EURONEST.

Is-Segretarjat għandu jipprovdi assistenza lis-sessjonijiet plenarji, lill-Bureau, lill-kumitati u lill-gruppi ta’ ħidma. Sabiex jiggarantixxu assistenza professjonali u imparzjali lill-Assemblea, iż-żewġ komponenti se jiffaċilitaw il-kooperazzjoni mill-qrib u l-bini ta’ kapaċitajiet, kif ukoll skambju reċiproku ta’ esperjenza professjonali bejn il-komponenti varji tas-Segretarjat.

2.   Is-salarji u spejjeż oħra tal-membri tas-Segretarjat għandhom jitħallsu mill-Parlamenti rispettivi tagħhom.

3.   Il-Parlament li jospita sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST jew laqgħa tal-Bureau, ta’ kumitat jew ta’ grupp ta’ ħidma għandu jipprovdi għajnuna fl-organizzazzjoni tas-sessjoni jew tal-laqgħa inkwistjoni.

Artikolu 31

Interpretazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura

Il-Kopresidenti, jew fuq talba tagħhom, il-Bureau, għandhom jiddeċiedu fuq kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura.

Artikolu 32

Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura

1.   L-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST abbażi tal-proposti tal-Bureau.

2.   L-emendi għandhom jiġu adottati minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti. Jekk titressaq talba għal votazzjoni minn komponenti separati qabel ma tibda l-votazzjoni, minn mhux anqas minn wieħed minn kull għaxar membri li jagħmlu parti minn tal-anqas żewġ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew jew minn tal-anqas żewġ delegazzjonijiet mill-komponent tas-Sħab Ewropej tal-Lvant tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, għandha ssir votazzjoni li fiha r-rappreżentanti tal-komponent tas-Sħab Ewropej tal-Lvant u r-rappreżentanti tal-komponent tal-Parlament Ewropew għandhom jivvutaw b’votazzjoni separata. It-test inkwistjoni għandu jitqies adottat jekk tinkiseb maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa b’mod separat fiż-żewġ komponenti.

3.   Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, meta jittieħed il-vot, l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tas-sessjoni wara li jiġu adottati.


(1)  Wara proposta tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-RoP tal-Assemblea Parlamentari tal-EURONEST, approvata mill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari tal-EURONEST fis-17 ta’ Marzu 2015, u sabiex jitħalla jsir użu minn tagħmir elettroniku, kull komponent għandu jivvota wieħed wara l-ieħor, mingħajr ma jitħabbar ir-riżultat, sakemm ikunu vvutaw iż-żewġ komponenti.


ANNESS I

SETGĦAT, RESPONSABILITAJIET, SĦUBIJA U PROĊEDURI TAL-KUMITATI PERMANENTI

Artikolu 1

Għandhom jitwaqqfu erba’ kumitati parlamentari permanenti bis-setgħat u r-responsabilitajiet li ġejjin:

il-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

il-Kumitat għall-Integrazzjoni Ekonomika, l-Approssimazzjoni Legali u l-Konverġenza mal-Politiki tal-UE;

il-Kumitat għas-Sigurtà tal-Enerġija;

il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali, l-Impjiegi, l-Edukazzjoni, il-Kultura u s-Soċjetà Ċivili.

I.   il-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija

Dan il-kumitat għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet li jikkonċernaw:

1.

l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet demokratiċi stabbli, kwistjonijiet ta’ governanza u r-rwol tal-partiti politiċi;

2.

il-promozzjoni ta’ djalogu politiku, ta’ miżuri multilaterali ta’ tisħiħ tal-fiduċja u l-kontribut biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-konflitti;

3.

ir-relazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali oħra u ma’ assemblej parlamentari għal kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan it-termini ta’ referenza tiegħu;

4.

il-paċi, is-sigurtà, l-istabilità;

5.

l-istandards elettorali, ir-regolazzjoni tal-midja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Il-kumitat għandu jfittex li jkun hemm koordinazzjoni xierqa bejn il-ħidma tiegħu u l-pjattaforma tematika I tas-Sħubija tal-Lvant.

II.   Il-Kumitat għall-Integrazzjoni Ekonomika, l-Approssimazzjoni Legali u l-Konverġenza mal-Politiki tal-UE

Dan il-kumitat għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet li jikkonċernaw:

1.

il-monitoraġġ tar-relazzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u kummerċjali bejn l-UE u s-Sħab Ewropej tal-Lvant, ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali;

2.

ir-relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti (u speċifikament mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ) u mal-organizzazzjonijiet li jippromwovu l-integrazzjoni ekonomika u kummerċjali fuq livell reġjonali;

3.

l-armonizzazzjoni tal-ambjent regolatorju jew ta’ miżuri ta’ standardizzazzjoni fis-setturi koperti minn strumenti legali internazzjonali;

4.

il-kwistjonijiet dwar l-iffinanzjar tas-Sħubija, inkluż is-segwitu tal-implimentazzjoni tal-faċilitajiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u strumenti u mekkaniżmi oħra ta’ dan it-tip;

5.

l-iżvilupp sostenibbli, ir-riżorsi naturali, it-tibdil fil-klima, u l-governanza ambjentali;

6.

l-iffaċilitar tal-interkonnessjoni tan-netwerks tat-trasport u t-telekomunikazzjonijiet;

7.

l-investiment f’kuntest reġjonali u l-kooperazzjoni transkonfinali.

Il-kumitat għandu jfittex li jkun hemm koordinazzjoni xierqa bejn il-ħidma tiegħu u l-pjattaforma tematika II tas-Sħubija tal-Lvant.

III.   Il-Kumitat għas-Sigurtà tal-Enerġija

Dan il-kumitat għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet li jikkonċernaw:

1.

il-monitoraġġ tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ appoġġ u sigurtà reċiproku f’dak li jirrigwarda l-enerġija;

2.

l-appoġġ għat-tisħiħ tal-kuntatti fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija u tat-tħejjija għall-kriżijiet tal-enerġija;

3.

il-monitoraġġ tal-armonizzazzjoni tal-politiki u l-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija tas-Sħab Ewropej tal-Lvant u d-diversifikazzjoni tar-rotot tal-provvista u tat-tranżitu;

4.

l-appoġġ għall-ħolqien ta’ suq tal-enerġija interkonness u diversifikat, inkluża l-enerġija rinnovabbli.

Il-kumitat għandu jfittex li jkun hemm koordinazzjoni xierqa bejn il-ħidma tiegħu u l-pjattaforma tematika III tas-Sħubija tal-Lvant.

IV.   il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali, l-Impjiegi, l-Edukazzjoni, il-Kultura u s-Soċjetà Ċivili.

Dan il-kumitat għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet li jikkonċernaw:

1.

il-promozzjoni tal-koperazzjoni fl-oqsma tal-kultura u l-edukazzjoni, u l-appoġġ għaliha, il-promozzjoni tad-djalogu u r-relazzjonijiet interkulturali mal-organizzazzjonijiet u l-aġenziji internazzjonali relevanti;

2.

l-iżvilupp soċjali u tal-bniedem, il-kwistjonijiet dwar iż-żgħażagħ u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

3.

l-inklużjoni soċjali, il-protezzjoni soċjali, id-djalogu soċjali, mal-infrastrutturi u s-servizzi soċjali, inklużi l-kwistjonijiet dwar is-saħħa;

4.

il-migrazzjoni u l-mobilità;

5.

is-suq tax-xogħol u l-politika dwar l-impiegi;

6.

il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni;

7.

l-appoġġ għall-koperazzjoni fil-qasam tat-tagħlim tal-lingwi, iż-żgħażagħ u r-riċerka;

8.

ir-relazzjonijiet mal-Forum tas-Soċjetà Ċivili u mal-NGOs mill-UE u s-Sħab Ewropej tal-Lvant.

Il-kumitat għandu jfittex li jkun hemm koordinazzjoni xierqa bejn il-ħidma tiegħu u l-pjattaforma tematika IV tas-Sħubija tal-Lvant.

Artikolu 2

1.   Kull wieħed mill-kumitati permanenti m’għandux ikun fih aktar minn 30 membru u kemm jista’ jkun għandu jkun magħmul minn l-istess għadd ta’ Membri miż-żewġ komponenti u jirrifletti l-kompożizzjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. Id-daqs u l-kompożizzjoni tal-kumitati għandhom jiġu deċiżi mill-Assemblea Parlamentari EURONEST fuq proposta tal-Bureau.

2.   Kull membru tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandu jkollu d-dritt li jkun membru ta’ wieħed mill-kumitati permanenti. F’każijiet eċċezzjonali, membru jista’ jkun membru ta’ żewġ kumitati permanenti.

3.   Il-membri jinħatru skont il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti minn kull Parlament b’tali mod li jirriflettu kemm jista’ jkun id-distribuzzjoni tad-diversi gruppi politiċi u delegazzjonijiet irrappreżentati, rispettivament, fil-Parlament Ewropew u fil-komponent tas-Sħab Ewropej tal-Lvant.

Artikolu 3

1.   Kull kumitat għandu jaħtar Bureau minn fost il-membri tiegħu li jkun jikkonsisti f’żewġ Kopresidenti tal-istess status (wieħed minn kull naħa tal-Assemblea Parlamentari EURONEST) u f’erba’ Viċi Kopresidenti (tnejn minn kull komponent tal-Assemblea Parlamentari EURONEST), li fir-rigward tagħhom kull komponent għandu jiddeċiedi dwar il-proċeduri elettorali u l-mandati.

2.   Il-Kopresidenti għandhom jiddeċiedu flimkien min minnhom għandu jippresiedi f’kull laqgħa tal-Kumitat.

3.   Il-kumitati jistgħu jaħtru rapporteurs sabiex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi li jaqgħu fil-kompetenza tagħhom u għandhom jippreparaw rapporti li għandhom jiġu ppreżentati lill-Assemblea Parlamentari EURONEST, suġġetti għall-approvazzjoni tal-Bureau, bi qbil mar-Regoli ta’ Proċedura.

4.   Il-kumitati permanenti jistgħu jiddiskutu l-punti tal-aġenda tagħhom mingħajr rapport u jistgħu javżaw bil-miktub lill-Bureau li dawn il-punti jkunu ġew diskussi.

5.   Il-kumitati għandhom jagħtu rendikont tal-attivitajiet tagħhom lill-Assemblea Parlamentari EURONEST.

Artikolu 4

1.   Il-kumitati għandhom jiltaqgħu meta jissejħu mill-Kopresidenti tagħhom, u għandhom jorganizzaw mill-anqas żewġ laqgħat fis-sena, u waħda minnhom għandha ssir matul is-sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. Il-laqgħat għandhom isiru darba f’pajjiż Sieħeb Ewropew tal-Lvant u d-darba ta’ wara fil-bini tal-Parlament Ewropew f’wieħed mill-postijiet tax-xogħol tiegħu. Il-kumitati jistgħu jiltaqgħu fil-format ta’ laqgħat konġunti, jekk il-Kopresidenti jiddeċiedu hekk.

2.   Kwalunkwe membru jista’ jressaq emendi sabiex jiġu eżaminati fil-kumitat.

3.   F’dak li għandu x’jaqsam mal-proċedura, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandhom japplikaw bit-tibdiliet magħmula għal-laqgħat tal-kumitat. B’mod partikolari, il-kworum f’kumitat jintlaħaq meta jkun hemm preżenti mill-anqas terz tal-membri minn kull komponent.

4.   Il-laqgħat kollha għandhom ikunu pubbliċi, sakemm kumitat ma jiddeċidix mod ieħor.


ANNESS II

IT-TUL TAT-TESTI

Il-limiti massimi li ġejjin għandhom japplikaw għat-testi mressqa għat-traduzzjoni u għar-riproduzzjoni:

noti spjegattivi, dokumenti ta’ ħidma ta’ tħejjija u minuti tal-gruppi ta’ ħidma u missjonijiet ta’ sejbien ta’ informazzjoni: 6 paġni;

mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li jinsabu fir-rapporti u dwar temi urġenti: 4 paġni, inklużi l-premessi, iżda minbarra l-kunsiderazzjonijiet.

“paġna” għandha tinftiehem bħala test ta’ 1 500 karattru stampat mingħajr ma jingħaddu l-ispazji.

Dan l-Anness jista’ jiġi emendat mill-Bureau.


8.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/15


REGOLI TA’ PROĊEDURA

tal-kumitati permanenti tal-Assemblea Parlamentari Euronest adottati mill-AP Euronest fit-3 ta’ Mejju 2011 u emendati fid-29 ta’ Mejju 2013 fi Brussell, fit-18 ta’ Marzu 2015 f’Yerevan u fl-1 ta’ Novembru 2017 f’Kiev

(2018/C 047/02)

Skont l-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Euronest u b’kunsiderazzjoni tal-proposta tal-Bureau, l-Assemblea Parlamentari Euronest tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti.

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ ħidma komuni għall-erba’ kumitati permanenti kollha tal-Assemblea Parlamentari Euronest (minn hawn ’il quddiem: “kumitati”):

Kumitat għall-Affarijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

Kumitat għall-Integrazzjoni Ekonomika, l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet u l-Konverġenza mal-Politiki tal-UE;

Kumitat għas-Sigurtà Enerġetika;

Kumitat għall-Affarijiet Soċjali, l-Impjiegi, l-Edukazzjoni, il-Kultura u s-Soċjetà Ċivili.

2.   Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Euronest japplikaw mutatis mutandis għal-laqgħat tal-kumitati mingħajr preġudizzju għar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti.

Artikolu 2

Kompożizzjoni

1.   Il-kumitat għandu massimu ta’ 30 membru u hu kompost minn:

15-il Membru tal-Parlament Ewropew;

15-il membru tal-parlamenti parteċipanti tas-sħab tal-Ewropa tal-Lvant (1).

Din tirrifletti l-kompożizzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest.

2.   Kull membru tal-Assemblea Parlamentari Euronest għandu d-dritt li jkun membru ta’ wieħed mill-kumitati permanenti. F’każijiet eċċezzjonali, membru jista’ jkun membru ta’ żewġ kumitati permanenti.

3.   Il-membri jinħatru skont il-proċeduri stabbiliti minn kull Parlament b’tali mod li jirriflettu kemm jista’ jkun id-distribuzzjoni tad-diversi gruppi politiċi u tad-delegazzjonijiet rappreżentati, rispettivament, fil-Parlament Ewropew u fil-komponent tas-sħab tal-Ewropa tal-Lvant.

4.   Id-daqs u l-kompożizzjoni tal-kumitati huma approvati mill-Assemblea Parlamentari Euronest fuq proposta tal-Bureau.

Artikolu 3

Presidenza u Bureau

1.   Kull kumitat jeleġġi, minn fost il-membri tiegħu, Bureau li jikkonsisti minn żewġ Kopresidenti bl-istess status (wieħed minn kull komponent) u erba’ Viċi Presidenti (tnejn minn kull komponent), li fir-rigward tagħhom il-proċeduri elettorali u t-termini tal-mandat ta’ tali karigi jiġu deċiżi separatament minn kull komponent.

2.   Il-Kopresidenti jiddeċiedu flimkien min minnhom jippresiedi l-laqgħa tal-kumitat.

Artikolu 4

Membri supplenti

1.   Kull membru sħiħ li ma jkunx jista’ jattendi għal-laqgħa tal-kumitat jista’ jiġi sostitwit minn membru supplenti mill-istess komponent tal-Assemblea, wara qbil bejn dawn iż-żewġ membri. Il-President għandu jiġi informat b’kull sostituzzjoni qabel il-bidu tal-laqgħa.

2.   Fi ħdan il-kumitat, il-membru supplenti għandu l-istess drittijiet u huwa suġġett għall-istess obbligi bħall-membru sħiħ.

Artikolu 5

Laqgħat

1.   Il-kumitati jiltaqgħu meta jiġu konvokati mill-Kopresidenti tagħhom, u mill-anqas darbtejn fis-sena, waħda minnhom issir matul is-sessjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest.

2.   Fuq proposta tal-Bureau tal-kumitat, il-Kopresidenti jfasslu u jressqu l-abbozz tal-aġenda ta’ kull laqgħa ta’ kumitat.

3.   Il-laqgħat tal-kumitati jsiru bil-lingwi ta’ ħidma tal-Assemblea Parlamentari Euronest. Sakemm il-Kopresidenti ma jiddeċidux mod ieħor, il-laqgħat kollha huma pubbliċi.

4.   Il-President imexxi x-xogħlijiet, jiżgura r-rispett tar-Regoli ta’ Proċedura, iżomm l-ordni, jagħti l-kelma lill-kelliema, jiddikjara l-għeluq tad-diskussjonijiet, iressaq il-kwistjonijiet għall-votazzjoni u jħabbar il-riżultat tal-votazzjonijiet.

5.   Ebda membru ma jista’ jitkellem sakemm ma jingħatax il-kelma mill-President. Kelliem ma jistax jiġi interrott għajr f’każ ta’ punti ta’ ordni. Jekk il-kelliem jitbiegħed mis-suġġett, il-President isejjaħlu għall-ordni u jista’, fit-tieni okkażjoni, jipprojbixxih milli jitkellem dwar l-istess suġġett għall-bqija tad-dibattitu.

6.   Il-President isejjaħ għall-ordni kull membru tal-kumitat li joħloq tfixkil matul ix-xogħlijiet. F’każ ta’ reċidiva, il-President jista’ jkeċċih mis-sala għall-bqija tal-laqgħa.

7.   Żewġ kumitati jew aktar jistgħu, wara qbil bejn il-Bureaux tagħhom, jorganizzaw laqgħat konġunti dwar suġġetti ta’ interess komuni.

Artikolu 6

Rapporti u temi urġenti

1.   Il-kumitati jistgħu jaħtru rapporteurs inkarigati milli jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi fi ħdan il-kompetenza tagħhom u jħejju rapporti li jitressqu lill-Assemblea Parlamentari Euronest jew opinjonijiet li jitressqu lill-kumitati l-oħra, wara awtorizzazzjoni mill-Bureau. In-numru ta’ tali rapporti huwa limitat, fil-prinċipju, għal rapport wieħed għal kull kumitat għal kull sessjoni. Il-Bureau jista’ jiddeċiedi, fuq talba tal-Kopresidenti tal-Kumitati, kemm-il rapport se jiġi vvotat għal kull sessjoni skont l-avvanzament tax-xogħlijiet għat-tħejjija tar-rapporti.

2.   Fuq bażi eċċezzjonali, kumitat jista’ jipproponi temi urġenti lill-Assemblea Parlamentari Euronest. In-numru ta’ temi urġenti huwa limitat skont l-Artikolu 9(2)(b) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Euronest.

3.   Barra minn hekk, il-kumitati jistgħu jiddiskutu punti oħra fuq l-aġenda mingħajr rapport u jistgħu jinfurmaw bil-miktub lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Euronest li l-punti kkonċernati ġew diskussi.

4.   Il-kumitati jagħtu rendikont lill-Assemblea Parlamentari Euronest tal-attivitajiet tagħhom.

Artikolu 7

Kworum u votazzjoni

1.   Il-kworum ta’ kumitat jintlaħaq meta tal-anqas terz tal-membri ta’ kull komponent huwa preżenti. Fil-każ tal-laqgħat konġunti ta’ kumitati, il-kworum ta’ kumitat jintlaħaq meta tal-anqas kwart tal-membri ta’ kull komponent huwa preżenti.

2.   Il-votazzjonijiet kollha huma validi jkun xi jkun in-numru ta’ votanti. Madankollu, kull membru tal-kumitat jista’ jitlob li l-kworum ikun verifikat qabel ma ssir votazzjoni. Jekk, wara din it-talba, il-kworum ma jintlaħaqx, il-votazzjoni hija posposta.

3.   Il-kumitat, jew, fil-każ ta’ laqgħat konġunti ta’ kumitati, il-kumitati, jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri li ħadu sehem fil-votazzjoni. Il-kumitat, jew, fil-każ ta’ laqgħat konġunti ta’ kumitati, il-kumitati, jivvotaw billi kull membru għandu vot wieħed biss, personali u mhux trasferibbli.

4.   Fil-każ ta’ votazzjoni b’turija tal-idejn, l-għadd tal-voti jsir mill-Kummissjoni tal-Għadd tal-Voti, komposta minn żewġ partijiet indaqs ta’ rappreżentanti tas-segretarjati ta’ kull komponent tal-Assemblea Parlamentari Euronest. Il-Kummissjoni tal-Għadd tal-Voti tinħatar mill-Kumitat tal-Kopresidenti qabel il-bidu tal-laqgħa rilevanti u tgħarraf ir-riżultat tal-għadd tal-voti direttament lill-Kopresidenti.

5.   Kull membru jista’ jressaq emendi biex jiġu eżaminati mill-kumitat, jew, fil-każ ta’ laqgħat konġunti ta’ kumitati, il-kumitati sat-terminu mħabbar mill-Kopresidenti. L-emendi jirreferu għat-test li biħsiebhom jemendaw u jitressqu bil-miktub. L-emendi orali jistgħu jintlaqgħu biss jekk ikollhom l-għan li jikkoreġu żbalji fattwali jew lingwistiċi. L-ebda emenda orali oħra ma għandha tintlaqa’.

6.   Jekk qabel il-bidu tal-votazzjoni mhux inqas minn tliet membri tal-kumitat li jappartjenu għal tal-anqas żewġ gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew jew għal żewġ delegazzjonijiet tal-komponent tas-sħab tal-Ewropa tal-Lvant tal-Assemblea Parlamentari Euronest ippreżentaw talba għal votazzjoni skont il-komponenti separati, ir-rappreżentanti tal-komponent tas-sħab tal-Ewropa tal-Lvant u r-rappreżentanti tal-komponent tal-Parlament Ewropew jipproċedu għall-votazzjoni separatament, minkejja simultanjament. It-test ikkonċernat huwa adottat jekk jikseb maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa separatament fiż-żewġ komponenti. L-istess dispożizzjoni tapplika fil-każ ta’ laqgħat konġunti ta’ kumitati.

7.   Il-votazzjoni maqsuma tista’ tintalab minn grupp politiku tal-Parlament Ewropew jew minn tal-anqas membru tal-Assemblea Parlamentari Euronest jekk it-test sottopost għall-votazzjoni jkun fih żewġ dispożizzjonijiet jew aktar, jekk jirreferi għal żewġ kwistjonijiet jew aktar jew jekk jista’ jinqasam f’żewġ partijiet jew aktar li jkollhom sens jew valur normattiv għalihom stess. It-talba titressaq bil-miktub lill-Kopresidenti sas-18:00 lejlet il-votazzjoni, ħlief fil-każ li l-Kopresidenti jiffissaw terminu ieħor, u jitqies, fil-prinċipju, aċċettat. L-istess dispożizzjoni tapplika fil-każ ta’ laqgħat konġunti ta’ kumitati.

Artikolu 8

Arranġamenti oħra

1.   Il-Parlament li jospita laqgħa tal-kumitat jitqies responsabbli mill-arranġamenti prattiċi, mill-assistenza u mill-ispejjeż relatati mal-organizzazzjoni tal-laqgħa.

2.   Madankollu, fuq proposta tal-Bureau, l-Assemblea Parlamentari Euronest tista’ tirrakkomanda lill-parlamenti l-oħra jħallsu kontribuzzjoni finanzjarja biex tkopri n-nefqa relatata mal-organizzazzjoni ta’ laqgħa ta’ kumitat.

Artikolu 9

Interpretazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura

Il-Kopresidenti, jew fuq talba tagħhom, il-Bureau ta’ kumitat, għandhom id-dritt li jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-interpretazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti.

Artikolu 10

Emenda tar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti

1.   L-emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti huma adottati mill-Assemblea Parlamentari Euronest abbażi tal-proposti tal-Bureau.

2.   L-emendi huma adottati b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti għall-votazzjoni. Jekk qabel il-bidu tal-votazzjoni mhux inqas minn wieħed minn kull għaxar membri li jappartjenu għal tal-anqas żewġ gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew jew għal żewġ delegazzjonijiet tal-komponent tas-sħab tal-Ewropa tal-Lvant tal-Assemblea Parlamentari Euronest ippreżentaw talba għal votazzjoni skont il-komponenti separati, ir-rappreżentanti tal-komponent tas-sħab tal-Ewropa tal-Lvant u r-rappreżentanti tal-komponent tal-Parlament Ewropew jipproċedu għall-votazzjoni separatament. It-test ikkonċernat jitqies adottat jekk jikseb maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa separatament fiż-żewġ komponenti.

3.   Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-mument tal-votazzjoni, l-emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti jidħlu fis-seħħ immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom.


(1)  Fil-mument tal-adeżjoni ta’ sieħeb ieħor tal-Ewropa tal-Lvant (il-Belarussja), is-siġġijiet jitqassmu mill-ġdid fost is-sħab tal-Ewropa tal-Lvant.