ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 423

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 60
9 ta' Diċembru 2017


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Kunsill

2017/C 423/01

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2017 dwar il-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati ( 1 )

1


 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 423/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8691 — Innogy/European Energy Exchange/JV) ( 1 )

5

2017/C 423/03

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8698 — EQT/Curaeos Holding) ( 1 )

5


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2017/C 423/04

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fil-Kunsill, dwar ir-rwol tal-kowċis fis-soċjetà

6

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 423/05

Rata tal-kambju tal-euro

11


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Kunsill

9.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Novembru 2017

dwar il-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 423/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-impjegabbiltà tal-gradwati li jitilqu mill-edukazzjoni u mit-taħriġ hija kwistjoni ta’ tħassib f’ħafna Stati Membri, b’mod partikolari minħabba li r-rata ta’ impjieg tal-gradwati reċenti tal-edukazzjoni għolja fl-UE għadha ma rkupratx għalkollox wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 (1), u s-sitwazzjoni tal-impjieg tal-gradwati ta’ programmi edukattivi u ta’ taħriġ vokazzjonali tvarja fl-Istati Membri kollha.

(2)

Għalhekk, permezz tal-Linji Gwida għal-Linji Politiċi dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri għall-2015 (2), l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali, ġew imħeġġa jippromwovu l-produttività u l-impjegabbiltà permezz ta’ forniment adatt ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi rilevanti.

(3)

Sabiex jinkiseb dak l-għan, informazzjoni ta’ kwalità tajba dwar dak li jagħmlu l-gradwati wara li jiksbu l-kwalifika tagħhom jew wara li jitilqu mill-edukazzjoni u mit-taħriġ hija essenzjali, kemm biex jiġu mifhuma l-kawżi tal-problemi relatati mal-impjegabbiltà tal-gradwati f’reġjuni u f’setturi ekonomiċi partikolari jew għal gradwati minn edukazzjoni għolja jew dixxiplini tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali partikolari, kif ukoll biex jiġu identifikati soluzzjonijiet għal dawk il-problemi relatati mal-impjegabbiltà. Il-valur ta’ tali informazzjoni huwa enfasizzat kemm fl-Istandards u l-Linji Gwida għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (ESG) (3) kif ukoll fil-Qafas Ewropew ta’ Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) (4).

(4)

Madankollu, peress li s-sistemi għall-ġbir, l-analiżi u l-użu tad-data dwar l-eżiti tal-gradwati mill-edukazzjoni għolja u mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mhumiex żviluppati sew f’ħafna partijiet tal-Unjoni, tenħtieġ informazzjoni aħjar biex l-istudenti jagħmlu deċiżjonijiet informati dwar x’għandhom jistudjaw, jew għat-tfassil ta’ programmi edukattivi jew ta’ politika tal-gvern.

(5)

Barra minn hekk, it-transizzjonijiet għas-suq tax-xogħol huma ġeneralment xprunati mill-kuntest ekonomiku, mil-livell ta’ kwalifika u mill-qasam ta’ studju. Dawn huma wkoll influwenzati minn fatturi soċjodemografiċi u l-isfond soċjoekonomiku tal-familja (5). Għalhekk, il-ġbir ta’ data dwar l-impatt ta’ dawn id-diversi fatturi huwa essenzjali biex il-kwistjoni tiġi indirizzata b’mod komprensiv.

(6)

Minkejja li ħafna Stati Membri qed jiżviluppaw sistemi ta’ monitoraġġ, l-iskambju ta’ għarfien, prattika tajba u tagħlim reċiproku huwa limitat.

(7)

Peress li d-data komparabbli eżistenti hija limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni u d-data miġbura fuq livell nazzjonali mhijiex komparabbli għal dik miġbura fi Stati Membri oħra, huwa diffiċli li jinsiltu konklużjonijiet mid-differenzi fix-xejriet u fl-eżiti osservati madwar il-pajjiżi u r-reġjuni.

(8)

Ir-riżultati mill-konsultazzjoni pubblika (6) dwar l-aġenda ta’ modernizzazzjoni tal-Unjoni għall-edukazzjoni għolja wrew tħassib li l-edukazzjoni għolja mhix tipprovdi lill-gradwati bl-għarfien, bil-ħiliet u bil-kompetenzi li jeħtieġu biex ikollhom suċċess fl-ambjent edukattiv u fl-ambjent tal-impjiegi li qed jevolvu b’mod rapidu, u f’xi Stati Membri għad hemm spariġġ fil-ħiliet.

(9)

L-Istati Membri talbu sabiex tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni, immirata għat-titjib tal-fluss tal-informazzjoni dwar l-impjegabbiltà, l-ispariġġi fil-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. B’mod partikolari, ir-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) (7) jipproponi l-promozzjoni tar-rilevanza tal-edukazzjoni għolja għas-suq tax-xogħol u għas-soċjetà, inkluż permezz ta’ informazzjoni u antiċipazzjoni aħjar dwar il-ħtiġijiet u l-eżiti tas-suq tax-xogħol, pereżempju l-monitoraġġ tal-karrieri tal-gradwati.

(10)

Fil-Konklużjonijiet ta’ Riga tal-2015 l-Istati Membri impenjaw ruħhom ukoll li jiżguraw ċikli kontinwi ta’ tagħrif u ta’ feedback dwar sett ġdid ta’ riżultati fuq terminu medju fil-qasam tal-ETV għall-perjodu 2015 – 2020, permezz ta’ azzjonijiet bħall-użu tad-data dwar l-impjegabbiltà tal-gradwati tal-ETV u taħlita ta’ data dwar it-tagħlim, id-dħul fis-suq tax-xogħol u l-karrieri, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ atturi fil-livell nazzjonali biex id-data tal-gradwati tintuża għall-adattament tal-kurrikuli, il-profili okkupazzjonali u l-kontenut tal-kwalifiki tal-ETV għal rekwiżiti ekonomiċi u tekniċi ġodda.

(11)

Sussegwentement, fir-Riżoluzzjoni dwar il-promozzjoni ta’ żvilupp u inklużività soċjoekonomiċi fl-UE permezz tal-edukazzjoni: il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-Semestru Ewropew 2016 (8), l-Istati Membri enfasizzaw l-importanza li l-ispariġġi fil-ħiliet u d-diskrepanzi fil-ħiliet jiġu indirizzati bħala kwistjoni ta’ prijorità.

(12)

Dan bena fuq xogħol preċedenti. Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-intraprenditorija fl-edukazzjoni u t-taħriġ (9) tal-2014, l-Istati Membri qablu li, fejn ikun possibbli, jużaw l-informazzjoni dwar il-monitoraġġ meta ssir valutazzjoni tal-kwalità u tal-effettività tal-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali.

(13)

Fl-2013, fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Edukazzjoni Għolja (10), l-Istati Membri qablu li jiffaċilitaw l-għoti tal-informazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-eżiti edukattivi u dawk relatati mas-suq tax-xogħol.

(14)

Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-impjegabbiltà tal-gradwati mill-edukazzjoni u t-taħriġ (11) tal-2012, l-Istati Membri qablu wkoll li jistabbilixxu punt ta’ riferiment li sal-2020, 82 % tal-gradwati bejn l-età ta’ 20 u 34 sena, li jkunu telqu mill-edukazzjoni u mit-taħriġ mhux aktar minn tliet snin qabel is-sena ta’ referenza għandhom ikunu impjegati, u jiġi monitorat is-sehem tal-gradwati impjegati mill-edukazzjoni u t-taħriġ, bl-għan li titjieb il-bażi tal-provi għall-iżvilupp tal-politika dwar l-interfaċċa bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-impjieg, filwaqt li l-Istati Membri u l-Kummissjoni qablu li jiġbru informazzjoni kwalitattiva u prattiki tajbin sabiex jikkumplimentaw il-monitoraġġ kwantitattiv u jtejbu l-pedament għat-tfassil ta’ politika bbażata fuq il-provi.

(15)

Għalhekk, fil-Komunikazzjoni dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea (12) tat prijorità lit-titjib fl-intelliġenza tal-ħiliet u fl-informazzjoni għal għażliet imtejba tal-karriera billi pproponiet inizjattiva dwar il-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati terzjarji bħala appoġġ għall-Istati Membri biex itejbu l-informazzjoni dwar it-transizzjoni tal-gradwati għas-suq tax-xogħol. F’dan il-kuntest din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi approċċ komplementari għall-inizjattivi tal-Istati Membri, u l-impenji huma ta’ natura volontarja.

JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

Skont il-leġislazzjoni nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni rilevanti, b’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE li tikkonċerna l-protezzjoni tad-data personali (13), ir-riżorsi disponibbli u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha:

1.

It-titjib tad-disponibbiltà u l-kwalità tad-data dwar l-attivitajiet tal-gradwati (14) u, fejn opportun, tal-persuni li jitilqu mill-edukazzjoni għolja u mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mingħajr ma jiggradwaw, inkluż li jsir progress sal-2020 fl-istabbiliment tas-sistemi ta’ monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati li jistgħu jinkludu:

(a)

il-ġbir ta’ data ta’ statistika amministrattiva anonimizzata rilevanti mill-bażijiet tad-data tal-edukazzjoni, tat-taxxa, tal-popolazzjoni u tas-sigurtà soċjali;

(b)

l-iżvilupp ta’ stħarriġ lonġitudinali dwar gradwati fis-sistema edukattiva u, fejn opportun, fil-livell istituzzjonali, b’rikonoxximent tal-importanza tad-data kwalitattiva dwar it-transizzjoni tal-persuni għas-suq tax-xogħol, jew għall-edukazzjoni u t-taħriġ ulterjuri, u l-karrieri sussegwenti tagħhom; kif ukoll

(c)

Il-possibbiltà li, b’mod anonimu, l-awtoritajiet pubbliċi jgħaqqdu data minn sorsi differenti, sabiex jibnu stampa magħmula mill-eżiti tal-gradwati.

Kontenut tad-data li għandha tinġabar

2.

B’rikonoxximent tal-ambizzjoni wara din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għat-titjib tal-komparabbiltà tad-data, l-Istati Membri għandhom jiġbru d-data fl-oqsma li ġejjin:

(a)

informazzjoni soċjobijografika u soċjoekonomika

(b)

informazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ

(c)

informazzjoni dwar l-impjieg jew l-edukazzjoni u t-taħriġ ulterjuri

(d)

rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-impjieg jew it-tagħlim tul il-ħajja

(e)

progressjoni tal-karriera

Stħarriġ lonġitudinali dwar il-gradwati

3.

Jinkoraġġixxu rata għolja ta’ rispons, rappreżentattiva u kontinwa għall-istħarriġ lonġitudinali dwar il-gradwati, u, fejn possibbli, il-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati li emigraw, kemm għall-finijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ jew mat-tlestija tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom.

Kooperazzjoni Ewropea

4.

Jipparteċipaw f’netwerk ta’ esperti, li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni u t-tagħlim reċiproku fost l-Istati Membri dwar sistemi ta’ monitoraġġ u l-iżvilupp ulterjuri tagħhom. Dan in-netwerk ser jesplora alternattivi għall-iżvilupp ta’data komparabbli u definizzjonijiet komuni, kif imsemmi fil-paragrafu 2. Fir-rigward ta’ stħarriġ lonġitudinali, kif imsemmi fil-paragrafi 3 u 9, in-netwerk ser jesplora alternattivi għall-iżvilupp ta’ prinċipji komuni, frekwenza ottimali u kif għandu jsir il-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati li emigraw.

5.

Dan in-netwerk għandu jkun organizzat skont l-istrutturi ta’ governanza eżistenti għall-kooperazzjoni fi ħdan il-qafas għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ fl-2020, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe struttura ġdida li tista’ ssegwih.

Disseminazzjoni u sfruttament tar-riżultati

6.

Jittieħdu passi għall-iżgurar ta’ disseminazzjoni u sfruttament f’waqthom, regolari u wiesa’ tar-riżultati tal-analiżi tal-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati, bl-objettiv li:

(a)

tissaħħaħ il-gwida għall-karrieri għall-istudenti prospettivi, l-istudenti attwali u l-gradwati;

(b)

ikun hemm appoġġ għat-tfassil u l-aġġornament tal-kurrikuli biex jitjieb l-akkwist tal-ħiliet rilevanti u l-impjegabbiltà;

(c)

jitjieb l-ippariġġar tal-ħiliet biex jiġu appoġġati l-kompetittività u l-innovazzjoni fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, u tinsab soluzzjoni għan-nuqqasijiet ta’ ħiliet;

(d)

ikun hemm ippjanar u previżjoni tal-ħtiġijiet ta’ impjieg, ta’ edukazzjoni u soċjali li dejjem qed jevolvu; kif ukoll

(e)

ikun hemm il-kontribut għall-iżvilupp tal-politika kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni.

Finanzjament

7.

Tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-inizjattivi fil-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati billi jiġu allokati riżorsi adegwati u pluriennali, bl-użu ta’ sorsi ta’ finanzjament nazzjonali jew Ewropej, bħall-Erasmus+ jew il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, fejn opportun u f’konformità ma’ riżorsi eżistenti, il-bażi ġuridika u l-prijoritajiet definiti għall-perijodu 2014-2020, u mingħajr ebda preġudizzju għan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

Rappurtar

8.

Fi żmien sentejn mill-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, u regolarment kull sena wara, jevalwaw u jirrappurtaw lill-Kummissjoni, permezz tan-netwerk ta’ esperti, dwar il-progress tal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-KUMMISSJONI:

9.

Tiżviluppa l-fażi pilota ta’ stħarriġ Ewropew dwar gradwati fl-edukazzjoni terzjarja (15), maħsub biex itejjeb id-disponibbiltà ta’ informazzjoni komparabbli dwar l-impjieg tal-gradwati u l-eżiti soċjali b’kont meħud tar-riżultati tal-Istudju ta’ Fattibilità Eurograduate (16) u l-esperjenzi tal-Istati Membri b’sistemi ta’ monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati tagħhom. Fi żmien tliet snin mill-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tippreżenta rapport tar-riżultati ta’ dan l-istudju pilota lin-netwerk ta’ esperti. Jekk il-fażi pilota tkun suċċess, il-Kummissjoni tikkonsulta lill-Istati Membri dwar jekk tipproċedix għal introduzzjoni sħiħa ta’ stħarriġ Ewropew dwar gradwati fl-edukazzjoni terzjarja.

10.

Tipprovdi appoġġ għall-bini ta’ kapaċità kif meħtieġ, għall-istabbiliment ta’ sistemi ta’ monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati, ibbażat fuq prattika tajba. Fil-każ tal-edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ, dan ser jinkludi mmappjar komprensiv fl-Istati Membri kollha, li jindirizza l-alternattivi għal kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni u jista’ jservi bħala bażi biex tiġi esplorata l-fattibilità ta’ stħarriġ Ewropew fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, jekk dan jitqies meħtieġ. Fil-kuntest ta’ bini ta’ kapaċità, ser jingħata wkoll sostenn għall-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u s-servizzi ta’ gwida bil-għan li jitjiebu d-disponibbiltà, il-paragunabbiltà u l-affidabbiltà tad-data tal-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati.

11.

Tippromwovi t-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki, issaħħaħ il-kooperazzjoni permezz tal-istabbiliment u l-appoġġ tan-netwerk ta’ esperti, u tikkoopera ma’ gruppi ta’ esperti oħra rilevanti, organizzazzjonijiet internazzjonali u istituzzjonijiet u aġenziji tal-UE.

12.

Tiżgura li r-riżultati tal-analiżi tal-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati jkunu disponibbli għal użu mill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati.

13.

Tappoġġa l-użu minn sorsi ta’ finanzjament Ewropej, bħall-Erasmus+ jew il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, fejn opportun u f’konformità mal-kapaċità finanzjarja, il-bażi ġuridika, proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u l-prijoritajiet tagħhom definiti għall-perijodu 2014-2020, mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

14.

Tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fi żmien ħames snin mill-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. REPS


(1)  COM/2015/0690 final.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 tal-5 ta’ Ottubru 2015 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2015 (ĠU L 268, 15.10.2015, p. 28).

(3)  ISBN 952-5539-04-0.

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew ta’ Referenza għall-Garanzija tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ĠU C 155, 8.7.2009, p. 1).

(5)  Dwar l-impatt tal-isfond ta’ sess u migrazzjoni fuq it-transizzjoni mill-iskola għas-suq tax-xogħol, ara OECD/Unjoni Ewropea (2015), Indicators of Immigration Integration 2015 – Settling In, Kapitolu 13.

(6)  SWD/2016/0195 final.

(7)  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25.

(8)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-24 ta’ Frar 2016 dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-inklużività soċjoekonomiċi fl-UE permezz tal-edukazzjoni: il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-Semestru Ewropew 2016 (ĠU C 105, 19.3.2016, p. 1).

(9)  ĠU C 17, 20.1.2015, p. 2

(10)  ĠU C 168, 14.6.2013, p. 2.

(11)  ĠU C 169, 15.6.2012, p. 11.

(12)  COM(2016) 381 finali.

(13)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(14)  Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, “gradwat” tirreferi għal persuna li tkun lestiet kwalunkwe livell ta’ edukazzjoni għolja jew edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (fil-livell 4 u ogħla tal-QEF). Madankollu, huwa rikonoxxut li xi Stati Membri għandhom inizjattivi għall-monitoraġġ tal-perkors ta’ dawk li jitilqu mill-iskola wkoll.

(15)  Fil-livell 5 jew ogħla tal-QEK.

(16)  L-Istudju tal-Fattibbiltà tal-Eurograduate jkopri biss l-edukazzjoni għolja.


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

9.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/5


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8691 — Innogy/European Energy Exchange/JV)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 423/02)

Fl-4 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bil-Ġermaniż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32017M8691. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


9.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/5


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8698 — EQT/Curaeos Holding)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 423/03)

Fit-28 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32017M8698. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

9.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/6


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fil-Kunsill, dwar ir-rwol tal-kowċis fis-soċjetà

(2017/C 423/04)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,

FILWAQT LI JFAKKRU LI:

1.

L-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ kwistjonijiet sportivi Ewropej, waqt li tikkunsidra n-natura speċifika tal-isport, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq l-attività volontarja u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu;

2.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta t-tielet Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2017-2020) fit-23 ta’ Mejju 2017, li ddefinixxa l-isport u s-soċjetà bħala temi prijoritarji għall-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tal-isport u r-rwol tal-kowċis bħala wieħed mis-suġġetti ewlenin;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW LI:

3.

Matul dawn l-aħħar deċennji, is-soċjetà nbidlet ħafna u, minħabba l-iżviluppi fit-teknoloġija, l-ekonomija u l-istruttura soċjali, il-ġenerazzjonijiet tal-lum qed jaffaċċjaw għadd ta’ sfidi ewlenin:

a.

l-attività fiżika tal-popolazzjoni qed tonqos (1), bi tħassib partikolari li t-tfal u l-adolexxenti mhumiex qed jagħmlu biżżejjed attività fiżika għall-iżvilupp tagħhom (2);

b.

stil ta’ ħajja sedentarju u obeżeġeniku flimkien ma’ problemi ta’ saħħa relatati ma’ stennija ta’ ħajja itwal jimponu piż li qed jikber fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa, l-ekonomija u s-soċjetà (3)  (4);

c.

f’xi Stati Membri tal-UE l-qgħad qed jiżdied, b’mod partikulari fost iż-żgħażagħ (5);

d.

Is-soċjetajiet Ewropej qed jaffaċċjaw sfidi biex jibqgħu koeżivi u inklużivi u kif jindirizzaw gruppi li qegħdin f’riskju ta’ marġinalizzazzjoni: il-migranti u r-refuġjati (6), l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u ż-żgħażagħ soċjalment vulnerabbli (7);

e.

iż-żieda fil-mobilità tħalli impatt fuq oqsma soċjali, bħas-suq tax-xogħol, il-koeżjoni kulturali, is-servizzi soċjali, u l-ambjent;

f.

l-isfidi etiċi fl-isport qed jiżdiedu;

4.

L-iżvilupp teknoloġiku rapidu ser jirriżulta f’aktar awtomatizzazzjoni tal-impjiegi, u potenzjalment joħloq ukoll aktar ħin għar-rikreazzjoni (8). Madanakollu, billi t-teknoloġija tal-informazzjoni tagħmel il-passatempi passivi aċċessibbli b’mod faċli, il-ħin liberu qiegħed ikun iddedikat dejjem aktar għal divertiment popolari bbażat fuq il-kompjuter, li jwassal għal rati saħansitra ogħla ta’ inattività fiżika;

FILWAQT LI JENFASIZZAW LI:

5.

B’mod parallel, matul l-aħħar deċennji, l-isport inbidel u ser ikompli jinbidel, biex jirrifletti trasformazzjonijiet soċjokulturali usa’: id-demokratizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-isport wessgħu l-ambitu tiegħu billi żdied sport ġdid, żdied l-aċċess għan-nisa għal sport li tradizzjonalment huwa “dominat mill-irġiel” u permezz tal-multiplikazzjoni ta’ faċilitajiet tal-isport; żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-importanza tal-isport u l-attività fiżika għas-saħħa u l-iżvilupp personali; trawwim tal-potenzjal tal-isport għall-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali, kif ukoll fil-kummerċjalizzazzjoni li mexxiet in-negozju, l-intraprenditorija u l-kummerċ;

6.

L-isport u l-attività fiżika relatata jistgħu jikkontribwixxu fis-soċjetà billi jgħinu biex jiġu indirizzati ħafna mill-isfidi li ssemmew hawn fuq u, fl-istess ħin biex jiġi żviluppat il-valur soċjali uniku tiegħu:

a.

bħala qasam li jinkludi attivitajiet li għandhom impatt pożittiv fuq il-benesseri, is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tan-nies ta’ kull età;

b.

bħala fenomenu soċjali li jiġbor in-nies flimkien, joħloq il-koeżjoni fis-soċjetà fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak internazzjonali, iżid l-attività taċ-ċittadini, jippromwovi l-logħob ġust u jiffavorixxi valuri komuni (9) bejn in-nies kollha irrispettivament mir-reliġjon, in-nazzjonalità, il-pożizzjoni soċjali jew l-isfond kulturali tagħhom;

c.

billi jtejjeb il-ħin liberu permezz ta’ attivitajiet li jippromwovu l-iżvilupp personali u jiffaċilita l-kisba ta’ ħiliet soċjali kif ukoll ħiliet essenzjali oħra għall-parteċipanti kollha u billi jiżviluppa l-kapital uman;

d.

billi jistimula l-involviment fl-attività volontarja li tikkontribwixxi għall-parteċipazzjoni soċjali;

e.

billi tiġi żviluppata t-teknoloġija, il-materjali u l-għarfien għall-prestazzjoni, minn oġġetti li jintlibsu, ħwejjeġ u nutrizzjoni sa proċeduri tal-eżerċizzju, li bbenefikaw minnhom diversi partijiet tal-popolazzjoni, inkluż l-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà permezz tal-effiċjenza, is-sikurezza u r-riabilitazzjoni fix-xogħol u r-rikreazzjoni;

f.

billi jippromwovi l-iżvilupp urban għall-ħtiġijiet kulturali u soċjali taċ-ċittadini kif ukoll fuq kuxjenza ambjentali;

g.

permezz tal-impatt ekonomiku tiegħu sinifikanti u dejjem jikber (10);

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU LI:

7.

Il-kowċis għandhom rwol importanti fl-isport, billi, permezz tat-tmexxija u l-gwida tagħhom, huma jħallu impatt fuq l-għarfien, il-ħiliet, il-prospetti, l-aspirazzjonijiet, is-saħħa, il-benesseri u l-valuri tal-parteċipanti. Huwa stmat li hemm minn 5 sa 9 miljun kowċ fl-Ewropa, li jinfluwenzaw minn 50 sa 100 miljun Ewropew (11);

8.

Il-kowċis huma l-persuni li jippjanaw u jagħtu t-taħriġ sportiv, billi japplikaw ħiliet u għarfien dimostrabbli għall-prestazzjoni, ir-rikreazzjoni jew il-miri tas-saħħa b’mod sigur;

9.

Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kowċis għandhom jinftiehmu li huma kowċis sportivi, li huma:

a.

nisa u rġiel b’kompetenzi bbażati fuq tagħlim formali, nonformali u informali ta’ kkowċjar sportiv;

b.

atleti ta’ prestazzjoni li jmexxu u jiggwidaw kif ukoll parteċipanti rikreazzjonali;

c.

impjegati professjonali kif ukoll volontarji;

10.

Il-ħidma tal-kowċis hija assoċjata ma’ responsabbiltà, ħiliet u kompetenzi, li huma deskritti fil-kwalifiki tal-ikkowċjar tal-pajjiżi u dawk tal-organizzazzjonijiet sportivi;

11.

It-taħriġ tal-kowċis u r-rekwiżiti għall-kwalifiki tal-ikkowċjar huma differenti minn pajjiż għal ieħor. L-Oqfsa Nazzjonali tal-Kwalifiki (QNK) jew is-sistemi li ssir referenza għalihom fil-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) iservu ta’ għodda biex jiffaċilitaw it-tqabbil bejn pajjiżi differenti sabiex tiġi promossa t-trasparenza u l-komparabbiltà tal-kompetenzi u l-kwalifiki fil-livelli nazzjonali u dak Ewropew għall-iskopijiet tal-mobbiltà u t-tagħlim tul il-ħajja;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU LI:

12.

Il-kowċis huma fost il-personalitajiet ewlenin tal-isport li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi li taffaċċja s-soċjetà, billi fost kompiti oħra, skont xi jkunu r-rwoli, il-pożizzjonijiet, kif ukoll il-kuntest tal-ikkowċjar tagħhom, huma jistgħu:

a.

jinfluwenzaw l-esperjenza sportiva u ta’ attività fiżika l-aktar bikrija ta’ individwu, filwaqt li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ drawwiet relatati mal-isport, u jipparteċipaw fil-ħolqien ta’ benefiċċji soċjali u ekonomiċi li jirriżultaw mill-kultura tal-isport;

b.

għandhom rwol soċjali dejjem akbar fl-iżvilupp personali ta’ parteċipanti sportivi, speċjalment ta’ atleti żgħażagħ, billi jkunu mudelli pożittivi, billi jrawmu fihom il-motivazzjoni u l-fiduċja fihom infushom, u jinfluwenzaw il-valuri, l-imġiba u l-ħiliet soċjali tagħhom;

c.

għandhom pożizzjoni unika biex jippromwovu l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi, biex jgħallmu r-rispett għall-valuri komuni (12), id-diversitajiet u l-promozzjoni tal-attività fiżika fil-gruppi soċjali kollha;

d.

jiddefendu u jiżviluppaw l-integrità tal-isport u r-regoli tal-kompetizzjoni ġusta, kif ukoll huma minn tal-ewwel li jistgħu jintervjenu billi juru dmir ta’ diliġenza meta jinqalgħu l-problemi, pereżempju fil-logħob mixtri, id-doping, il-vjolenza, l-isfruttament tal-minorenni, eċċ.;

e.

imexxu servizzi tal-ħin tar-rikreazzjoni relatati mal-isport u l-attività fiżika u jipparteċipaw f’innovazzjoni relatata mal-isport, inkluż oġġetti, servizzi u metodi ta’ taħriġ;

f.

isawru l-esperjenza sportiva għal partijiet ikkonċernati importanti oħra, bħall-membri tal-familja tal-atleti, l-ispettaturi u l-partitarji, u partijiet ikkonċernati soċjali oħra, li l-impatt tagħhom imur lil hinn mill-isport u jestendi f’oqsma ewlenin oħra;

FID-DAWL TA’ DAN TA’ HAWN FUQ, JAQBLU LI:

13.

Fil-kuntest tad-diversi sfidi li qed taffaċċja s-soċjetà, fejn l-isport għandu l-funzjoni unika li jikkontribwixxi sabiex isolvi dawn l-isfidi, ir-rwol tal-kowċis, li huwa prinċipalment speċifiku għall-isport, qed jespandi f’qasam ta’ attivitajiet li għandu impatt usa’ fuq l-iżvilupp tas-soċjetà u tan-nies. Dan ir-rwol tal-kowċis fil-qasam tal-isport u l-attività fiżika, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp olistiku tal-parteċipanti, jixbah lir-rwol ta’ għalliem fl-edukazzjoni, b’mod partikolari fost it-tfal u ż-żgħażagħ;

14.

Il-kwistjonijiet ewlenin rigward il-kowċis bħalissa jinkludu:

a.

ir-rikonoxximent tal-importanza dejjem tiżdied tar-rwol tal-kowċis mis-soċjetà;

b.

is-sensibilizzazzjoni fost il-kowċis stess dwar l-importanza tar-rwol tagħhom, l-opportunitajiet u r-responsabbiltajiet relatati, u l-inkoraġġiment ta’ aktar żvilupp ta’ dan ir-rwol;

c.

it-twessigħ tal-opportunitajiet għat-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni tal-kowċis, fejn applikabbli, sabiex jindirizzaw il-bidliet soċjali, primarjament b’rabta mal-kura tas-saħħa, id-dover tal-kura u fil-qasam tal-ekonomija u l-inklużjoni soċjali;

d.

il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diversità fl-ikkowċjar, fejn rilevanti, billi jiżdied l-għadd ta’ kowċis nisa u persuni minn oriġini soċjali u etnika differenti impjegati u voluntiera fi sports differenti u fil-livelli kollha;

e.

l-appoġġ għall-iżvilupp tal-karriera doppja tal-atleti u l-promozzjoni tal-ikkowċjar bħal professjoni għaż-żgħażagħ;

f.

it-trawwim, kif adegwat, tar-rikonoxximent tal-ikkowċjar bħala professjoni fl-Istati Membri tal-UE permezz tal-promozzjoni tal-kwalifiki tal-ikkowċjar u t-trasparenza tal-kwalifiki tal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-isport billi jiġu inklużi fil-QNK li ssir referenza għalihom fil-QEK;

g.

ir-rikonoxximent tar-rwol tal-kowċis voluntiera u jingħataw l-appoġġ rilevanti;

h.

l-iżvilupp tat-taħriġ tal-kowċis, billi tiżdied dimensjoni internazzjonali u transsettorjali għall-edukazzjoni tal-ikkowċjar billi jiġu integrati eżempji tajba u metodi ta’ ħidma utli mill-ħidma fost iż-żgħażagħ bħal tagħlim mhux formali u informali permezz tal-isport, il-ħidma ma’ persuni bi bżonnijiet speċjali u l-intraprenditorija;

F’DAN IL-KUNTEST, JISTIEDNU:

15.

L-ISTATI MEMBRI, FILWAQT LI JIEĦDU KONT TAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ U L-ISPEĊIFIĊITÀ TAL-ISPORT, LI

a.

jgħinu fil-promozzjoni tar-rwol usa’ biex jiġu indirizzati, fejn adegwat, l-isfidi soċjali li taffaċċja s-soċjetà kollha kemm hi;

b.

jappoġġaw programmi edukattivi u kampanji promozzjonali li għandhom l-għan li jżidu l-għadd ta’ kowċis kompetenti u li jippermettulhom itejbu l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol u l-pożizzjoni tagħhom fih;

c.

jaqsmu l-aħjar prattiki relatati mat-taħriġ tal-kowċis;

d.

jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-federazzjonijiet sportivi u l-organizzazzjonijiet umbrella sportivi rigward l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-kowċis;

e.

jappoġġaw l-iżvilupp tat-tagħlim preċedenti u sistema ta’ tagħlim tul il-ħajja għall-kowċis li tinkludi opportunitajiet ta’ tagħlim formali, nonformali u informali fil-livelli differenti kollha tal-ikkowċjar;

f.

jirrikonoxxu u jippromwovu l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet umbrella u tan-netwerks tal-kowċis;

g.

jippromwovu, fis-sistema edukattiva tal-isport, l-approċċ tal-eżiti tat-tagħlim ibbażat kemm fuq il-miri tal-QNK kif ukoll tal-QEK u l-inklużjoni, fejn xieraq, tal-kwalifika tal-ikkowċjar fil-QNK b’referenza għall-QEK;

16.

LILL-KUMMISSJONI EWROPEA SABIEX:

a.

tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajbin u ta’ linji gwida fl-oqsma tal-edukazzjoni tal-kowċis u l-iżvilupp tal-kwalifiki bejn l-Istati Membri tal-UE u l-organizzazzjonijiet sportivi;

b.

tikkunsidra li tinkludi l-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Ħiliet u l-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani fl-abbozzar ta’ linji gwida rigward ir-rekwiżiti bażiċi fil-ħiliet u l-kompetenzi għall-kowċis;

c.

tkompli bil-promozzjoni tal-komparabbiltà tal-kwalifiki tal-ikkowċjar tal-Istati Membri u tal-organizzazzjonijiet sportivi fil-kuntest tal-QEK;

d.

tagħmel riċerka fil-kuntest tar-rwol tal-kowċis, billi tiffoka partikolarment fuq l-isfidi u l-ostakli f’termini ta’ edukazzjoni, mobbiltà u s-suq tax-xogħol, kif ukoll tiġi evalwata l-influwenza tal-ikkowċjar fl-isport fuq l-isfidi l-kbar tas-soċjetà fl-isport u barra minnu;

e.

tuża l-possibbiltajiet tal-Fond Soċjali Ewropew, il-programm Erasmus+ u l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport biex tenfasizza u tippromwovi l-benefiċċji tal-ikkowċjar u tinkoraġġixxi l-mobbiltà tal-kowċis;

17.

IL-MOVIMENT SPORTIV U PARTIJIET INTERESSATI OĦRA SABIEX:

a.

jiżviluppaw, fejn adatt, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet edukattivi, kontenut għat-taħriġ tal-kowċis li jkun aġġornat u jikkorrispondi għall-iżviluppi li għaddejjin fis-soċjetà, inkluż l-għarfien relatat mal-ħiliet soċjali, l-antidoping, il-karriera doppja tal-atleti, il-ħidma fost iż-żgħażagħ, il-kura tas-saħħa, l-intraprenditorija, id-dover tal-kura, l-ugwaljanza bejn is-sessi, eċċ.;

b.

jaħdmu mal-kowċis biex jiżviluppaw servizzi tal-ħin tar-rikreazzjoni siguri u effettivi, sabiex l-isport jibqa’ attraenti u kompetittiv fir-rigward ta’ alternattivi rikreazzjonali bbażati fuq il-kompjuter;

c.

jagħmlu l-professjoni tal-ikkowċjar aktar aċċessibbli permezz tat-taħriġ u l-inkoraġġiment tal-iżvilupp tal-kwalifiki tal-ikkowċjar, u fost affarijiet oħrajn, jużaw il-possibbiltajiet li tipprovdi t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni llum;

d.

jippromwovu d-diversità fl-ikkowċjar, inkluż aktar aċċess għan-nisa, iż-żgħażagħ u l-persuni b’diżabbiltà;

e.

jgħinu biex jinkoraġġixxu lill-persuni li jaħdmu bħala kowċis biex ikollhom it-taħriġ neċessarju;

f.

jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja għal kowċis, inkluż permezz tal-validazzjoni tal-kompetenzi u jippromwovu l-iskambju ta’ fehmiet, ħiliet u għarfien fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak internazzjonali;

g.

jużaw il-Fond Soċjali Ewropew u l-programm Erasmus+ sabiex jappoġġaw il-proċess tat-tagħlim tul il-ħajja tal-kowċis;

h.

jappoġġaw il-mobbiltà tal-kowċis biex jitgħallmu u jiksbu għarfien kulturali, għarfien transsettorjali, ħiliet lingwistiċi u ħiliet ġodda rilevanti oħra;

i.

jaħdmu mad-diversi impjegaturi biex jistudjaw il-ħtiġijiet tagħhom għall-iżvilupp ta’ attivitajiet sportivi li jistgħu jinvolvu lill-kowċis sportivi sabiex jippromwovu d-diversità fl-ikkowċjar, inkluż aktar aċċess għan-nisa u ż-żgħażagħ.


(1)  Ewrobarometru 412 (http://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/archives/ebs/ebs_412_en.pdf).

(2)  Rapport tal-kummissjoni dwar it-tmiem tal-obeżità fit-tfal, WHO 2016 (http://apps.who.int/iris/bitstream/10665/204176/1/9789241510066_eng.pdf?ua=1&ua=1).

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni transettorjali ta’ attività fiżika favur is-saħħa, 2013 (http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2013:354:0001:0005:EN:PDF).

(4)  The economic cost of physical inactivity in Europe, Rapport ta’ ISCA, 2015 (http://inactivity-time-bomb.nowwemove.com/report).

(5)  Statistika dwar il-qgħad, Eurostat, 2017 (http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Unemployment_statistics#Youth_unemployment_trends).

(6)  Dan id-dokument jirreferi għall-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu legalment fl-UE, adottati fid-9 ta’ Diċembru 2016 (15312/16).

(7)  Gruppi li jkollhom riskju ogħla ta’ faqar u esklużjoni soċjali mill-popolazzjoni ġenerali. Il-minoranzi etniċi, il-migranti, il-persuni b’diżabilità, dawk bla saqaf fuq rashom, dawk bi problemi ta’ abbuż mid-droga, l-anzjani u ż-żgħażagħ iżolati, kollha jaffaċċjaw, ta’ spiss, diffikultajiet li jistgħu jwasslu għal aktar esklużjoni soċjali, bħal livelli baxxi ta’ edukazzjoni u qgħad jew sottoimpjieg.

(8)  Skont l-istimi, 54 % tal-impjiegi tal-UE huma f’riskju ta’ awtomatizazzjoni (“Technology at work. The Future of Innovation and Employment”, Carl Benedikt Frey, Michael Osborne et al, Oxford Martin School at the University of Oxford and Citi Global Perspectives & Solutions, 2015) (http://www.oxfordmartin.ox.ac.uk/publications/view/2092).

(9)  Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-minoranzi (Artikolu 2 tat-TUE).

(10)  Il-proporzjon tal-isport mal-valur miżjud gross totali huwa stmat għal 1,76 %, li jammonta għal EUR 174 biljun. Għall-UE kollha, il-kontribut tal-impjiegi relatati mal-isport fl-impjiegi totali huwa stmat għal 2,12 %, li jammonta għal 4,5 miljun persuna (Study on the Contribution of Sport to Economic Growth and Employment in the EU (2012) Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura).

(11)  http://www.coachlearn.eu/_assets/files/project_documents/coachlearn-project-summary-website-june-2015.pdf

(12)  Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-minoranzi (Artikolu 2 tat-TUE).


Il-Kummissjoni Ewropea

9.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/11


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-8 ta’ Diċembru 2017

(2017/C 423/05)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1742

JPY

Yen Ġappuniż

133,26

DKK

Krona Daniża

7,4417

GBP

Lira Sterlina

0,87525

SEK

Krona Żvediża

9,9770

CHF

Frank Żvizzeru

1,1704

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,7665

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,555

HUF

Forint Ungeriż

314,50

PLN

Zloty Pollakk

4,2020

RON

Leu Rumen

4,6336

TRY

Lira Turka

4,5165

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5620

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5072

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,1661

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7157

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5889

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 285,33

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

16,0391

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,7729

HRK

Kuna Kroata

7,5493

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 910,41

MYR

Ringgit Malażjan

4,8001

PHP

Peso Filippin

59,336

RUB

Rouble Russu

69,6511

THB

Baht Tajlandiż

38,361

BRL

Real Brażiljan

3,8435

MXN

Peso Messikan

22,2205

INR

Rupi Indjan

75,6775


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.