ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 366

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 60
27 ta' Ottubru 2017


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

 

IL-PARLAMENT EWROPEW
SESSJONI 2015–2016
Data tas-seduta: 11 ta’ Novembru 2015
Il-Minuti ta’ din is-sessjoni ġew ippubblikati fil- ĠU C 435, 24.11.2016 .
TESTI ADOTTATI
Dati tas-seduti: 23-26 ta’ Novembru 2015
Il-Minuti ta’ din is-sessjoni ġew ippubblikati fil- ĠU C 448, 1.12.2016 .
TESTI ADOTTATI

1


 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew

 

L-Erbgħa 11 ta’ Novembru 2015

2017/C 366/01

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2015 dwar l-avjazzjoni (2015/2933(RSP))

2

2017/C 366/02

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea (2015/2035(INL))

7

 

It-Tlieta, 24 ta’ Novembru 2015

2017/C 366/03

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b’enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal (2014/2237(INI))

19

2017/C 366/04

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-komunitajiet emarġinati (2014/2247(INI))

31

2017/C 366/05

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar ir-rwol tal-UE fin-NU – kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija (2015/2104(INI))

42

 

L-Erbgħa 25 ta’ Novembru 2015

2017/C 366/06

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (2015/2066(INI))

51

2017/C 366/07

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni ta' XXX tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D041427 – 2015/2962(RSP))

96

2017/C 366/08

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi (2015/2063(INI))

101

2017/C 366/09

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2014-2020 (2015/2107(INI))

117

 

Il-Ħamis 26 ta’ Novembru 2015

2017/C 366/10

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-każijiet ta' qtil fil-provinċja ta' Zabul (2015/2968(RSP))

129

2017/C 366/11

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja (2015/2969(RSP))

132

2017/C 366/12

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar il-libertà ta’ espressjoni fil-Bangladesh (2015/2970(RSP))

135

2017/C 366/13

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp qabel l-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO (2015/2632(RSP))

140

2017/C 366/14

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-adeżjoni tal-Ekwador għall-Ftehim Kummerċjali konkluż bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Kolombja u l-Perù (2015/2656(RSP))

144

2017/C 366/15

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020 (2015/2957(RSP))

149

2017/C 366/16

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla (2015/2977(RSP))

151

2017/C 366/17

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020 (2015/2772(RSP))

157


 

III   Atti preparatorji

 

IL-PARLAMENT EWROPEW

 

L-Erbgħa 11 ta’ Novembru 2015

2017/C 366/18

P8_TA(2015)0393
Programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (ISA2) ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (ISA2)L-interoperabbiltà bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku (COM(2014)0367 – C8-0037/2014 – 2014/0185(COD))
P8_TC1-COD(2014)0185
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta' Novembru 2015 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Deċizjoni (UE) 2015/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (Programm ISA2) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku

159

 

It-Tlieta, 24 ta’ Novembru 2015

2017/C 366/19

P8_TA(2015)0396
It-tħassir ta' ċerti atti mill-acquis ta' Schengen ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tħassar ċerti atti fil-Qasam ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (COM(2014)0713 – C8-0277/2014 – 2014/0337(COD))
P8_TC1-COD(2014)0337
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-24 ta' Novembru 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ċerti atti mill-acquis ta' Schengen

161

2017/C 366/20

P8_TA(2015)0397
It-tħassir ta' ċerti atti mill-acquis ta' Schengen fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tħassar ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (COM(2014)0714 – C8-0279/2014 – 2014/0338(COD))
P8_TC1-COD(2014)0338
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-24 ta' Novembru 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ċerti atti mill-acquis ta' Schengen fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

162

2017/C 366/21

P8_TA(2015)0398
It-tħassir ta' ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (COM(2014)0715 – C8-0280/2014 – 2014/0339(COD))
P8_TC1-COD(2014)0339
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-24 ta' Novembru 2015 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

163

2017/C 366/22

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (CCSBT) li jikkonċerna l-istatus tal-Unjoni bħala Membru fil-Kummissjoni Estiża tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (07134/2015 – C8-0323/2015 – 2015/0036(NLE))

164

2017/C 366/23

P8_TA(2015)0400
Medjazzjoni fl-assigurazzjoni ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar medjazzjoni fl-assigurazzjoni (riformulazzjoni) (COM(2012)0360 – C7-0180/2012 – 2012/0175(COD))
P8_TC1-COD(2012)0175
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-24 ta' Novembru 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni)

165

 

L-Erbgħa 25 ta’ Novembru 2015

2017/C 366/24

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Riżorsi proprji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (13439/2015 – C8-0341/2015 – 2015/2269(BUD))

167

2017/C 366/25

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà għal miżuri baġitarji immedjati biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati, f'konformità mal-punt 12 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (COM(2015)0514 – C8-0308/2015 – 2015/2264(BUD))

169

2017/C 366/26

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, b'konformità mal-punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, għall-finijiet ta' pagament tal-avvanzi fil-qafas tal-baġit 2016 (COM(2015)0281 – C8-0133/2015 – 2015/2123(BUD))

171

2017/C 366/27

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz konġunt ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fil-qafas tal-proċedura baġitarja (14195/2015 – C8-0353/2015 – 2015/2132(BUD))

172


Tifsira tas-simboli użati

*

Proċedura ta' konsultazzjoni

***

Proċedura ta' approvazzjoni

***I

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari

***II

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari

***III

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tielet qari

(It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta' att)

Emendi tal-Parlament:

Il-partijiet tat-testi l-ġodda huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa . Il-partijiet tat-test imħassra huma indikati permezz tas-simbolu ▌ jew huma ingassati. Is-sostituzzjoni hija indikata billi t-test il-ġdid jiġi indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa u billi jitħassar jew jiġi ingassat it-test sostitwit.

MT

 


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/1


IL-PARLAMENT EWROPEW

SESSJONI 2015–2016

Data tas-seduta: 11 ta’ Novembru 2015

Il-Minuti ta’ din is-sessjoni ġew ippubblikati fil-ĠU C 435, 24.11.2016.

TESTI ADOTTATI

Dati tas-seduti: 23-26 ta’ Novembru 2015

Il-Minuti ta’ din is-sessjoni ġew ippubblikati fil-ĠU C 448, 1.12.2016.

TESTI ADOTTATI

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew

L-Erbgħa 11 ta’ Novembru 2015

27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/2


P8_TA(2015)0394

Pakkett futur dwar l-avjazzjoni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2015 dwar l-avjazzjoni (2015/2933(RSP))

(2017/C 366/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 (1) dwar l-istabbiliment ta' żona Ewropea ta' avjazzjoni komuni,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/12/KE tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta' Lisbona (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur (3),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (Riformulazzjoni) (4),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar l-allokazzjoni mill-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni, li se ssir f'Ġinevra mit-2 sas-27 ta' Novembru 2015, tal-banda tal-ispettru tar-radju meħtieġa biex tappoġġja l-iżvilupp futur ta' teknoloġija satellitari għall-implimentazzjoni ta' sistemi globali ta' rintraċċar tat-titjiriet (6),

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u b'mod partikolari l-Artikoli 90, 100(2) u (218) tiegħu,

wara li kkunsidra l-pakkett leġiżlattiv mistenni tal-Kummissjoni “Pakkett dwar l-Avjazzjoni”,

wara li kkunsidra l-Artikoli 123(2) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fl-2012 l-ekonomija tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa sostniet direttament 2,6 miljun impjieg u kkontribwiet aktar minn 2,4 % tal-PDG tal-UE;

B.

billi fl-2014 l-għadd ta' passiġġieri li vvjaġġaw bl-ajru fl-UE ammonta għal 849,4 miljun, żieda ta' 4,4 % meta mqabbel mal-2013 u ta' 16,9 % meta mqabbel mal-2009;

C.

billi mill-2012 'l hawn il-linji tal-ajru Ewropej implimentaw u skedaw tnaqqis ta' aktar minn 20 000 impjieg;

D.

billi l-linji tal-ajru tal-UE qed joperaw f'ambjent li jinbidel malajr u dejjem aktar kompetittiv, kemm fis-swieq interni kif ukoll f'dawk esterni;

E.

billi jeħtieġ li l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), l-UE u l-Istati Membri tagħha jtejbu għadd ta' regolamenti ġuridiċi u finanzjarji, bħall-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) fi ħdan l-UE, id-drittijiet estiżi tal-passiġġieri, l-imposti u t-taxxi nazzjonali, it-tnaqqis tal-istorbju fl-ajruporti u r-restrizzjoni tas-sigħat ta' tħaddim;

F.

billi t-trasport tal-ajru jiżvolġi rwol fit-tibdil fil-klima, b'tali mod li jirrappreżenta xi 13 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tat-trasport fl-UE, kif ukoll emissjonijiet oħra bħall-NOx;

G.

billi sa tmiem l-2015 il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta Pakkett dwar l-Avjazzjoni intiż biex jidentifika u jindirizza l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom is-settur tal-avjazzjoni tal-UE;

It-titjib tal-kompetittività tal-industrija tal-avjazzjoni

1.

Iqis li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni mistenni jagħti spinta tant meħtieġa għal industrija tal-avjazzjoni Ewropea aktar sostenibbli u kompetittiva, isaħħaħ il-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-industrija ajrunawtika, jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-suq globali, u jfassal strateġija fit-tul għall-industrija tal-avjazzjoni tal-Ewropa;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis u tinkludi l-punti fundamentali tal-pożizzjonijiet tal-Parlament fl-ewwel qari dwar l-Ajru Uniku Ewropew 2+ (SES2+) u dwar l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni matul l-abbozzar tal-Pakkett dwar l-Avjazzjoni;

3.

Jenfasizza li l-industrija tal-ajrunawtika hija kontributriċi ewlenija għat-tkabbir u l-impjiegi tal-UE u hija marbuta mill-qrib mal-kompetittività fis-settur tal-avjazzjoni tal-UE (pereżempju, bilanċ pożittiv tal-esportazzjoni, teknoloġiji aktar nodfa għall-inġenji tal-ajru Ewropej, l-użu tas-SESAR, is-SES, katina ta' manutenzjoni) peress li tiġġenera fatturat ta' madwar EUR 100 biljun fis-sena u ssostni madwar 500 000 impjieg dirett; jitlob għaldaqstant li jitfasslu politiki proattivi maħsuba biex jappoġġjaw u jiżviluppaw l-industrija tal-ajrunawtika;

4.

Jissottolinja l-fatt li l-innovazzjoni hija prerekwiżit għal industrija Ewropea tal-avjazzjoni kompetittiva; jirrakkomanda, għaldaqstant, li l-Kummissjoni tqis u tappoġġja l-innovazzjoni fl-oqsma tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (kontroll awtomatizzat tat-traffiku tal-ajru (ATC), ippjanar liberu ta' rotot), is-sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS), soluzzjonijiet alternattivi għall-fjuwil, l-inġenji tal-ajru u d-disinn tal-magni (aktar effiċjenza, anqas storbju), is-sigurtà tal-ajruporti (soluzzjonijiet mingħajr kuntatt (touchless) u kontroll ta' sigurtà uniku), id-diġitizzazzjoni u s-soluzzjonijiet multimodali (servizzi ta' groundhandling kompjuterizzati); jirrakkomanda wkoll li tappoġġja soluzzjonijiet ambjentali globali, bħal miżura globali bbażata fuq is-suq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali, u li tallinja skemi reġjonali, bħall-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) tal-avjazzjoni, bl-għan li jinġabru fi skema globali, ajruporti aktar ekoloġiċi u mudelli kummerċjali ġodda (bħall-Kapaċità Ġdida ta' Distribuzzjoni (NDC) tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA), l-awtokonnessjoni jew il-ħruġ ta' biljetti integrat);

5.

Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan il-kompetenzi tagħha, tibda tneħħi l-piżijiet nazzjonali u tal-UE minn fuq il-linji tal-ajru Ewropej sabiex issaħħaħ il-kompetittività fis-settur tat-trasport bl-ajru Ewropew;

6.

Jenfasizza t-telf ta' kompetittività tal-linji tal-ajru u ajruporti tal-UE fil-konfront tat-trasportaturi u l-ajruporti ssussidjati ta' pajjiżi terzi; jitlob, f'dan il-kuntest, politika proattiva biex tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fuq is-sjieda, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jtejbu l-infrastruttura nazzjonali tagħhom biex jippermettu lil-linji tal-ajru tagħhom jikkompetu fuq termini aktar favorevoli;

7.

Jiddeplora l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 868/2004 li jikkonċerna l-protezzjoni kontra l-issussidjar u l-atti mhux ġusti tal-prezzijiet fis-settur tat-trasport bl-ajru fil-fatt irriżulta inadegwat u ineffikaċi f'dak li hu l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu; jitlob lill-Kummissjoni toħroġ analiżi tal-kawżi tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tiegħu sa mhux aktar tard minn Novembru 2015; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 868/2004 bil-għan li tissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta fir-relazzjonijiet esterni tal-avjazzjoni tal-UE u ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE, tipprevjeni l-kompetizzjoni inġusta b'mod aktar effikaċi, tiżgura r-reċiproċità u telimina l-prattiki inġusti, inklużi s-sussidji u l-għajnuna mogħtija mill-istat lil-linji tal-ajru minn ċerti pajjiżi terzi li joħolqu distorsjoni fis-suq; jenfasizza li l-għan għandu jkun li tittejjeb l-istrateġija politika fil-livell Ewropew sabiex dan il-kunflitt jiġi solvut malajr, prinċipalment abbażi tal-applikazzjoni ta' klawżola trasparenti ta' “kompetizzjoni ġusta”; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tindirizza l-kunċett ta' “kontroll effettiv” tal-linji tal-ajru;

8.

Jirrimarka li l-ajruporti Ewropej qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' pressjonijiet kompetittivi sinifikanti – kemm mil-linji tal-ajru kif ukoll minn ajruporti li jikkompetu ma' xulxin; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tqis dawn l-iżviluppi meta tkun qed timplimenta d-Direttiva dwar l-Imposti tal-Ajruporti u tipprovdi benefiċċji lill-partijiet interessati u lill-passiġġieri kollha;

9.

Jitlob li jsiru sforzi akbar fi ħdan il-Kunsill biex tiġi approvata l-proposta għal regolament dwar is-slots bil-għan li tittejjeb il-prestazzjoni tal-ajruporti u t-trasport bl-ajru fl-Ewropa jkun jista' jitħaddem bla xkiel, fil-kuntest li t-traffiku mistenni li jirdoppja sal-2030;

10.

Jenfasizza l-importanza tal-ajruporti żgħar u reġjonali fl-Unjoni għall-konnettività reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tippreżenta pjan strateġiku fit-tul tal-UE li jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għall-ajruporti reġjonali fil-kuntest tal-UE, inklużi r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għall-infrastruttura tat-trasport, peress li r-rwol tagħhom fl-iżgurar tal-koeżjoni fost ir-reġjuni tal-UE għandu jiġi promoss u għandu jsir wieħed mill-pilastri tal-istrateġija tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi;

Id-dimensjoni internazzjonali

11.

Jenfasizza li n-negozjar ta' ftehimiet komprensivi dwar l-avjazzjoni mas-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE għandu jkun għan strateġiku u li tali negozjati għandhom jiġu varati jew aċċellerati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex mandati komprensivi mill-Istati Membri mill-aktar fis, filwaqt li tagħti prijorità lill-pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, bil-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għal-linji tal-ajru u l-ajruporti Ewropej, tiżgura r-reċiproċità u tinkludi klawżola effikaċi tal-kompetizzjoni ġusta; jinsisti li, bil-għan li dawn il-ftehimiet komprensivi dwar l-avjazzjoni jsiru effikaċi fil-prattika, jeħtieġ li tiġi inkluża klawżola ta' salvagwardja li tiddefinixxi reat u l-konsegwenzi ġuridiċi f'każ li din il-klawżola tinkiser;

12.

Jinnota li s-settur tat-trasport bl-ajru mhuwiex regolat fuq bażi dinjija peress li mhuwiex suġġett tad-WTO; jenfasizza l-importanza ta' regoli li jkun sar qbil globali dwarhom fi ħdan l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni u l-impatt fuq il-klima. jirrikonoxxi li l-ICAO hija impenjata għall-iżvilupp ta' mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew permezz tal-adozzjoni tal-pakkett tal-SES2+, minħabba li l-frammentazzjoni attwali tal-ispazju tal-ajru Ewropew hija piż kbir fuq it-trasportaturi tal-ajru Ewropej;

14.

Jistenna li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni jindirizza u jiżgura l-integrazzjoni sħiħa tal-ajruporti fin-netwerk Ewropew tat-trasport; ifakkar fil-ħtieġa li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni jkun konsistenti mal-leġiżlazzjoni attwali u futura dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, filwaqt li jħeġġeġ lill-Kunsill iressaq il-pożizzjoni tiegħu, peress li kemm il-passiġġieri kif ukoll it-trasportaturi tal-ajru jixtiequ ċarezza dwar ir-regoli;

L-aġenda soċjali fis-settur tal-avjazzjoni

15.

Jissottolinja l-fatt li ċerti kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-avjazzjoni jista' jkollhom impatt fuq is-sikurezza tat-titjiriet; jirrakkomanda li DĠ MOVE u DĠ EMPL jaħdmu flimkien u li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni jinkludi dispożizzjonijiet soċjali u jipprovdi s-salvagwardji meħtieġa, kif diskuss waqt il-konferenza ta' livell għoli “Aġenda soċjali għat-trasport” li ġiet organizzata fl-4 ta' Ġunju 2015 mill-Kummissjoni;

16.

Jitlob it-titjib u l-armonizzazzjoni tal-katina ta' sikurezza billi jiġu attirati u jinżammu ħaddiema tas-sengħa u mħarrġa sew;

17.

Jenfasizza li l-industrija tal-avjazzjoni hija rikonoxxuta bħala settur li qed jikber u li attira u pprovda professjonisti ikkwalifikati u motivati ħafna, u li sabiex tkompli din ix-xejra, għandhom jinżammu d-dispożizzjonijiet regolatorji attwali tal-UE dwar l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-istandards u l-prattiki, inklużi l-prattiki ta' negozjar kollettiv;

18.

Jirrakkomanda li jiġi definit il-kunċett ta' “post prinċipali ta' negozju” sabiex il-liċenzja ta' tħaddim tingħata minn stat jekk il-volum ta' trasport bl-ajru fih ikun sostanzjali u anke, fil-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u d-dritt tax-xogħol, l-allinjament tad-definizzjoni ta' “Bażi tas-Servizz” skont ir-Regolament (UE) Nru 83/2014 u r-Regolament (UE) Nru 465/2012; jenfasizza l-ħtieġa li jitqassar il-perjodu tranżitorju u li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni tal-ekwipaġġi tal-ajru li jkollhom bażijiet ta' servizz multipli;

19.

Jinnota l-isfidi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar Xogħol Temporanju permezz ta' Aġenzija (2008/104/KE) u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistudja l-applikazzjoni attwali tagħha fis-settur u abbażi ta' dan tiddeċiedi kif tindirizza dawk l-isfidi;

20.

Jinsab imħasseb dwar iż-żieda ta' prattiki kummerċjali soċjalment problematiċi bħall-“bnadar ta' konvenjenza” u tal-użu ta' forom atipiċi ta' impjieg bħal impjieg indipendenti fittizju, skemi pay-to-fly u kuntratti mingħajr sigħat stabbiliti, li jista' jkollhom implikazzjonijiet għas-sikurezza; huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-istandards soċjali jiġu rispettati fl-attivitajiet kollha tal-avjazzjoni;

L-iżgurar ta' livell għoli ta' sikurezza fl-ispazju tal-ajru tal-UE

21.

Jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-programm SESAR, li jirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, il-fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru, il-linji tal-ajru u l-ajruporti, kif ukoll impenn finanzjarju min-naħa tagħhom; jappella għalhekk għal approċċ ta' sistema totali fl-oqsma kollha tal-avjazzjoni li jkopri l-fażijiet kollha tat-titjira, ibda minn fuq l-art, bi rwol aktar b'saħħtu tal-EASA fi ħdan l-ambjent tas-SES-SESAR ta' sistema UE-EASA li tirregola s-sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent u l-prestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-tlestija tal-baġit oriġinali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), li ġie affettwat mill-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS);

22.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni li jiżdiedu r-responsabilitajiet tal-EASA u għalhekk jistenna li r-Regolament Bażiku (KE) Nru 216/2008 emendat jiżgura l-istabbiliment ta' Sistema ta' Ġestjoni tas-Sikurezza komprensiva u li l-EASA tiġi fdata bl-aspetti ta' sikurezza tal-miżuri ta' sigurtà tal-UE u tat-trasport spazjali kummerċjali u tal-inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod; jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-EASA l-istatus ta' awtorità tal-avjazzjoni unika fl-Ewropa, skont il-firxa wiesgħa ta' responsabilitajiet li għandhom jiġu assenjati mil-leġiżlatur;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni żżomm rappreżentanza b'saħħitha madwar it-tmien siġġijiet kollha li jirrappreżentaw l-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill tal-ICAO, issaħħaħ, mill-aktar fis possibbli, ir-rwol tal-EASA fix-xena internazzjonali u tiżgura r-rikonoxximent uffiċjali tagħha fi ħdan l-ICAO, sabiex tiġi stabbilita vuċi unika tal-UE li se tiżgura livell ogħla ta' sikurezza għaċ-ċittadini tal-UE madwar id-dinja, filwaqt li tissalvagwardja l-kompetittività u l-esportazzjonijiet tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-ostakli regolatorji għas-sorveljanza satellitari tat-traffiku tal-ajru sabiex tippermetti servizzi tas-salvataġġ tal-ħajja għaċ-ċittadini tal-UE, u jitlob lill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni biex tagħmel l-allokazzjoni tal-ispettru meħtieġ, peress li l-ICAO identifikat is-satellita ADS-B bħala dik it-teknoloġija li tista' tgħin it-traċċar tat-titjiriet, anke għal skopijiet ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) barra miż-żoni l-aktar popolati, fejn forom oħra ta' teknoloġiji ta' sorveljanza ATM terrestri huma limitati; jenfasizza li, meta tiġi implimentata t-teknoloġija ADS-B, jeħtieġ li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru u li trid tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn teknoloġiji alternattivi sabiex jiġi evitat ksur tas-sikurezza u s-sigurtà; jenfasizza li tista' tkun ta' għajnuna għall-gvernijiet, il-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSPs) u l-linji tal-ajru fl-Ewropa u madwar id-dinja li jiżdiedu l-effiċjenza u l-kapaċità tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, biex b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni, u tittejjeb b'mod sinifikanti s-sikurezza tal-avjazzjoni, u dan kollu filwaqt li l-ispazju tal-ajru Ewropew jingħatalu saff ieħor ta' sorveljanza li jista' jsaħħaħ lil dak attwali;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri bil-għan li ttejjeb il-valutazzjoni medika tal-bdoti u l-proċeduri tas-sigurtà, tad-dħul u tal-ħruġ fir-rigward tal-bibien tal-kabina tal-pilota, wara l-valutazzjoni tar-riskju fir-rapport tat-Task Force tal-EASA;

26.

Jappella għal approċċ “ta' sigurtà bbażata fuq ir-riskju” għat-trasport tal-passiġġieri u l-merkanzija minflok il-miżuri attwali bbażati fuq ir-reazzjoni, u għal approċċ ġust u bilanċjat għall-kwistjoni sensittiva tas-sigurtà tal-avjazzjoni li tissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-Istati Membri fuq naħa u tillimita l-iskuntentizza tal-passiġġieri fl-ajruporti minn naħa oħra, u li ssaħħaħ is-Servizz ta' Sigurtà tal-Avjazzjoni (AVSEC) u s-sistema tal-Grupp Konsultattiv tal-Partijiet Interessati dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni (SAGAS); iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, fid-dawl ta' esperjenzi ta' suċċess f'reġjuni oħra, twettaq studju ta' fattibbiltà dwar l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kontrolli minn qabel u ta' dħul fl-Ewropa;

27.

Jistieden lill-awtoritajiet baġitarji jżommu baġit kompetittiv għall-EASA, billi jqisu dawk ir-responsabbiltajiet ġodda, sabiex ikollhom għodod flessibbli u effikaċi disponibbli għall-manifatturi tal-UE u l-linji tal-ajru biex jikkompetu fid-dinja, filwaqt li jinnota li l-industrija tikkontribwixxi 70 % tal-baġit tal-EASA;

28.

Jirrimarka li għadd ta' fajls leġiżlattivi tal-avjazzjoni huma pendenti fil-Kunsill, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tfittex soluzzjoni biex titranġa s-sitwazzjoni attwali;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq fil-Pakkett Leġiżlattiv dwar l-Avjazzjoni tagħha li għandu jiġi ppreżentat sa tmiem l-2015;

o

o o

30.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 658.

(2)  ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 5

(3)  Testi adottati, P7_TA(2013)0290.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2014)0220.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2014)0221.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2015)0392.


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/7


P8_TA(2015)0395

Ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea (2015/2035(INL))

(2017/C 366/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali (“l-Att Elettorali”), anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Settembru 1976, kif emendata (1), b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

wara li kkunsidra t-Trattati u b'mod partikolari l-Artikoli 9, 10, 14 u 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 22, 223(1) u 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċedura elettorali tal-Parlament Ewropew, u b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Lulju 1998 dwar abbozz ta’ proċedura elettorali li jinkorpora prinċipji komuni għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew (2), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 (3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar it-titjib tal-modalitajiet prattiċi ta’ organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-2014 (5),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/142/UE tat-12 ta' Marzu 2013 dwar it-tisħiħ tal-kondotta demokratika u effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (6),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2015 bit-titolu “Rapport fuq l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2014” (COM(2015)0206),

wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew dwar ir-Riforma tal-Liġi Elettorali tal-Unjoni Ewropea (7),

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (8),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (9),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (10), u b’mod partikolari l-Artikoli 13, 21 u 31 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), u b’mod partikolari l-Artikoli 11, 23 u 39 tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikoli 45 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0286/2015),

A.

billi l-Artikolu 223 TFUE jagħti lill-Parlament Ewropew id-dritt li jniedi r-riforma tal-proċedura elettorali tiegħu, bil-għan li titfassal proċedura uniformi li tapplika madwar l-Unjoni jew proċedura li hija bbażata fuq prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha, u li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għaliha;

B.

billi r-riforma tal-proċedura elettorali tal-Parlament Ewropew għandha l-għan li ttejjeb id-dimensjoni transnazzjonali u demokratika tal-elezzjonijiet Ewropej u l-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni, issaħħaħ il-kunċett taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, ittejjeb il-funzjonament tal-Parlament Ewropew u l-governanza tal-Unjoni, tagħmel ix-xogħol tal-Parlament Ewropew aktar leġittimu, issaħħaħ il-prinċipji ta’ ugwaljanza elettorali u opportunitajiet indaqs, issaħħaħ l-effettività tas-sistema għall-kondotta ta’ elezzjonijiet Ewropej, u ġġib il-Membri tal-Parlament Ewropew eqreb lejn il-votanti tagħhom, b’mod partikolari tal-iżgħar fosthom;

C.

billi r-riforma tal-proċedura elettorali trid ukoll tirrispetta l-prinċipju ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u ma għandhiex tipprova tfittex li timponi uniformità bħala fini fiha nnifisha;

D.

billi l-possibbiltà li tiġi żviluppata proċedura elettorali uniformi bbażata fuq suffraġju universali dirett ilha minquxa fit-Trattati mill-1957;

E.

billi n-numru ta’ votanti li dejjem qiegħed jonqos fl-elezzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari fost l-iżgħar votanti, u n-nuqqas ta’ interess tal-votanti fi kwistjonijiet Ewropej qed jheddu l-futur tal-Ewropa, u billi hemm għalhekk il-ħtieġa għal ideat li jgħinu biex terġa’ tingħata l-ħajja d-demokrazija Ewropea;

F.

billi armonizzazzjoni ġenwina tal-proċedura għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-Istati Membri kollha tista’ tippromwovi d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni kollha li jipparteċipaw, fuq bażi ugwali, fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, filwaqt li tissaħħaħ id-dimensjoni politika tal-integrazzjoni Ewropea;

G.

billi l-kompetenzi tal-Parlament Ewropew ilhom jiżdiedu b'mod gradwali mill-ewwel elezzjonijiet diretti fl-1979, u billi l-Parlament Ewropew issa għandu status ta' koleġiżlatur daqs dak tal-Kunsill fil-parti l-kbira tal-oqsma ta' politika tal-Unjoni, u notevolment bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona;

H.

billi t-Trattat ta' Lisbona biddel il-mandat tal-Membri tal-Parlament Ewropew, u għamilhom rappreżentanti diretti taċ-ċittadini tal-Unjoni (11) minflok “rappreżentanti tal-popli tal-Istati miġjuba flimkien fil-Komunità” (12);

I.

billi l-unika riforma tal-Att Elettorali nnifsu twettqet fl-2002 minħabba l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom (13), li teħtieġ li l-Istati Membri jwettqu l-elezzjonijiet abbażi ta' rappreżentanza proporzjonali bl-użu ta' sistema ta' lista jew sistema ta' vot wieħed trasferibbli u li abolixxiet il-mandat doppju għall-Membri tal-Parlament Ewropew; billi, barra dan, l-Istati Membri ngħataw b'mod espress id-dritt li jistabbilixxu kostitwenzi fuq livell nazzjonali u li jintroduċu limitu nazzjonali li ma jaqbiżx il-5 % tal-voti mitfugħa;

J.

billi ftehim komprensiv dwar proċedura elettorali verament uniformi, għadu ma ntlaħaqx, minkejja li xi konverġenza tas-sistemi elettorali seħħet b’mod gradwali, inter alia bħala riżultat tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, bħad-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE;

K.

billi l-kunċett ta' ċittadinanza tal-Unjoni, formalment introdott fl-ordni kostituzzjonali mit-Trattat ta' Maastricht fl-1993, jinkludi d-dritt li ċ-ċittadini tal-Unjoni jipparteċipaw f'elezzjonijiet Ewropej u muniċipali fl-Istati Membri tagħhom, u fl-Istat ta' residenza tagħhom skont l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat (14); billi l-Karta, li t-Trattat ta’ Lisbona ta saħħa legali vinkolanti, saħħet dan id-dritt;

L.

billi, minkejja dawn ir-riformi, l-elezzjonijiet Ewropej, fil-parti l-kbira tagħhom, għadhom irregolati minn liġijiet nazzjonali, il-kampanji elettorali għadhom nazzjonali, u l-partiti politiċi Ewropej ma jistgħux jonoraw suffiċjentement il-mandat kostituzzjonali tagħhom u “jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni” skont l-Artikolu 10(4) tat-TUE;

M.

billi l-partiti politiċi Ewropej qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex “jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew” u għaldaqstant għandu jkollhom rwol aktar b'saħħtu fil-kampanji għall-elezzjonijiet Parlamentari biex itejbu l-viżibbiltà tagħhom u juru r-rabta bejn il-vot għal partit nazzjonali partikolari u l-impatt li għandu fuq id-daqs ta' grupp politiku Ewropew fil-Parlament Ewropew;

N.

billi l-proċedura għan-nomina tal-kandidati għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tvarja b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor u minn partit għal partit, b’mod partikolari fir-rigward ta’ standards tat-trasparenza u dawk demokratiċi, filwaqt li proċeduri miftuħa, trasparenti u demokratiċi għall-għażla tal-kandidati huma essenzjali biex tinbena fiduċja fis-sistema politika;

O.

billi l-iskadenzi għall-finalizzazzjoni tal-listi elettorali qabel l-elezzjonijiet Ewropej ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri, u attwalment ivarjaw bejn 17-il jum u 83 jum, u dan iqiegħed lill-kandidati u l-votanti fl-Unjoni f'pożizzjoni mhux ugwali fir-rigward tal-ħin għad-dispożizzjoni tagħhom biex iwettqu l-kampanji elettorali jew biex jirriflettu fuq l-għażla tal-vot tagħhom;

P.

billi l-iskadenzi għall-finalizzazzjoni tar-reġistru elettorali qabel l-elezzjonijiet Ewropej ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u jistgħu jagħmlu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-votanti (li huwa mmirat lejn l-evitar ta’ votazzjoni doppja) diffiċli, jekk mhux impossibbli;

Q.

billi l-istabbiliment ta’ kostitwenza konġunta fejn fuq quddiem fil-listi tkun imniżżla l-persuna kandidata minn kull familja politika għall-pożizzjoni ta’ President tal-Kummissjoni jsaħħaħ b’mod kunsiderevoli d-demokrazija Ewropea u jkompli jilleġittimizza l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni;

R.

billi r-regoli Ewropej eżistenti jippermettu li jiġi stabbilit limitu mhux obbligatorju li jasal sa 5 % tal-voti mitfugħa għall-elezzjonijiet Ewropej, u billi 15-il Stat Membru sfruttaw din l-opportunità u introduċew limitu ta' bejn 3 % u 5 %; billi fl-Istati Membri ż-żgħar, u fl-Istati Membri li qasmu ż-żona elettorali tagħhom f'kostitwenzi, madankollu l-limitu de facto huwa ogħla minn 3 % għalkemm ma jeżisti l-ebda limitu ġuridiku; billi l-introduzzjoni ta’ limiti obbligatorji hija rikonoxxuta minn tradizzjoni kostituzzjonali bħala mezz leġittimu biex jiġi garantit li l-parlamenti jkunu jistgħu jiffunzjonaw;

S.

billi, minkejja li l-Artikolu 10(2) tal-Att Elettorali jipprojbixxi b'mod espress il-pubblikazzjoni bikrija tar-riżultati tal-elezzjonijiet, dawn ir-riżultati saru disponibbli għall-pubbliku fil-passat; billi żmien armonizzat għall-għeluq tal-votazzjoni fl-Istati Membri kollha jista' jikkontribwixxi bil-qawwa għall-karattru komuni Ewropew tal-elezzjonijiet Ewropej u jista' jnaqqas il-possibbiltà li r-riżultat tagħhom jiġi influwenzat jekk ir-riżultati tal-elezzjonijiet f'uħud mill-Istati Membri jsiru disponibbli għall-pubbliku qabel l-għeluq tal-votazzjoni fl-Istati Membri kollha;

T.

billi l-ewwel projezzjonijiet uffiċjali tar-riżultati elettorali għandhom jitħabbru b'mod simultanju fl-Istati Membri kollha fl-aħħar jum tal-perjodu elettorali fid-21:00 CET;

U.

billi l-ħolqien ta’ jum tal-votazzjoni Ewropew komuni jirrifletti aħjar il-parteċipazzjoni komuni taċ-ċittadini madwar l-Unjoni, isaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva u jgħin biex tinħoloq elezzjoni pan-Ewropea iktar koerenti,

V.

billi t-Trattat ta' Lisbona stabbilixxa ordni kostituzzjonali ġdid billi kkonċeda lill-Parlament Ewropew id-dritt li jeleġġi l-President tal-Kummissjoni Ewropea (15) minflok milli sempliċiment jagħti l-kunsens tiegħu; billi l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 ħolqu preċedent importanti f’dan ir-rigward u wrew li n-nomina ta’ kandidati ewlenin iżżid l-interess taċ-ċittadini fl-elezzjonijiet Ewropej;

W.

billi n-nomina ta’ kandidati ewlenin għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea tipprovdi rabta bejn voti mitfugħa fuq livell nazzjonali u l-kuntest Ewropew u jippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni biex jagħmlu għażliet infurmati bejn programmi politiċi alternattivi; billi n-nomina ta’ kandidati ewlenin minn proċeduri miftuħa u trasparenti ssaħħaħ il-leġittimità demokratika u ssaħħaħ r-responsabbiltà;

X.

billi l-proċedura għan-nomina u l-għażla ta’ kandidati ewlenin ta’ dik il-kariga huma espressjoni b’saħħitha tad-demokrazija Ewropea; billi, barra minn hekk, għandha tkun parti integrali tal-kampanji elettorali;

Y.

billi d-data ta’ skadenza għan-nomina tal-kandidati mill-partiti politiċi Ewropej għandha tiġi kkodifikata fl-Att Elettorali u billi l-kandidati ewlenin għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni għandhom ikunu kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew;

Z.

billi mhux l-Istati Membri kollha jikkonċedu liċ-ċittadini tagħhom il-possibbiltà li jivvutaw minn barra l-pajjiż, u fost dawk li jagħmlu dan, il-kundizzjonijiet għaċ-ċaħda tad-dritt għall-vot ivarjaw ħafna; billi l-għoti liċ-ċittadini tal-Unjoni kollha li jirrisjedu barra mill-Unjoni tad-dritt li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet jista' jikkontribwixxi għal ugwaljanza elettorali; billi, madankollu, jeħtieġ li l-Istati Membri jikkoordinaw aħjar is-sistemi amministrattivi tagħhom sabiex jipprevjenu lill-votanti milli jivvutaw darbtejn f’żewġ Stati Membri differenti;

AA.

billi mill-inqas 13-il Stat Membru ma għandhomx regoli interni xierqa li jipprekludu liċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom ċittadinanza doppja tal-Istati Membri milli jivvutaw darbtejn, bi ksur tal-Artikolu 9 tal-Att Elettorali;

AB.

billi awtorità elettorali, li taġixxi bħala netwerk ta’ awtoritajiet ta’ kuntatt uniku tal-Istati Membri, għandha tiġi stabbilita fil-livell tal-Unjoni, peress li tkun tista’ tiffaċilita l-aċċess għal informazzjoni dwar ir-regoli li jirregolaw l-elezzjonijiet Ewropej kif ukoll tissimplifika l-proċess u ssaħħaħ in-natura Ewropea ta’ dawn l-elezzjonijiet; billi, għalhekk, il-Kummissjoni hija mistiedna tesplora l-arranġamenti prattiċi meħtieġa biex tiġi stabbilita tali awtorità fil-livell tal-Unjoni;

AC.

billi l-età minima għall-eliġibbiltà biex wieħed joħroġ bħala kandidat fit-28 Stat Membru tvarja bejn it-18 u l-25 sena, u l-età minima għall-eliġibbiltà għall-vot tvarja bejn is-16 u t-18-il sena minħabba t-tradizzjonijiet kostituzzjonali u elettorali differenti fl-Istati Membri; billi l-armonizzazzjoni tal-età tal-votazzjoni, u l-età minima għall-kandidati, għandha tkun attraenti ħafna bħala mezz biex iċ-ċittadini tal-Unjoni jingħataw ugwaljanza reali fil-votazzjoni, u tista' tippermetti li tiġi evitata d-diskriminazzjoni fil-qasam l-aktar fundamentali taċ-ċittadinanza, li hu d-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċess demokratiku;

AD.

billi l-istabbiliment u l-konsolidazzjoni uffiċjali tal-partiti politiċi fil-livell tal-Unjoni qed irawmu l-iżvilupp tal-għarfien politiku Ewropew u qed jipprovdu espressjoni tax-xewqat taċ-ċittadini tal-Unjoni, u billi dan iffaċilita wkoll il-proċess tat-tqarrib gradwali ta’ sistemi elettorali;

AE.

billi l-votazzjoni postali, elettronika u fuq l-internet tista' trendi t-twettiq tal-elezzjonijiet Ewropej aktar effiċjenti u aktar attraenti għall-votanti, bil-kundizzjoni li jiġu żgurati l-ogħla standards possibbli ta' protezzjoni tad-data;

AF.

billi fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, il-membri tal-eżekuttiv jistgħu jfittxu li jiġu eletti għall-parlament nazzjonali mingħajr ma jkollhom iwaqqfu l-attività istituzzjonali tagħhom;

AG.

billi, minkejja progress kontinwu sa mill-1979 f’termini ta’ bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fit-tqassim tas-siġġijiet, għad hemm diverġenzi konsiderevoli f’dan ir-rigward bejn l-Istati Membri, b’10 minnhom b’livell aktar baxx minn 33 % koperti mis-sess inqas rappreżentat; billi l-kompożizzjoni attwali tal-Parlament Ewropew, li tinkludi biss 36.62 % nisa, ma tilħaqx il-valuri u l-għanijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi sostnuti fil-Karta;

AH.

billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tinkiseb, bħala wieħed mill-valuri ta’ bażi tal-Unjoni, filwaqt li huma biss ftit l-Istati Membri li integraw dan il-prinċipju fil-liġijiet elettorali nazzjonali tagħhom; billi l-kwoti tal-ġeneru fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u ż-zipped lists iddimostraw li huma għodod effettivi ħafna biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni u l-iżbilanċi ta' poter bejn is-sessi u biex titjieb ir-rappreżentanza demokratika f'korpi tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi;

AI.

billi l-prinċipju ta’ proporzjonalità digressiva minquxa fit-TUE kkontribwixxa b’mod sinifikanti għas-sjieda komuni tal-proġett Ewropew bejn l-Istati Membri kollha,

1.

Jiddeċiedi li jirriforma l-proċedura elettorali tiegħu fi żmien xieraq qabel l-elezzjonijiet tal-2019, bil-għan li tissaħħaħ id-dimensjoni transnazzjonali u demokratika tal-elezzjonijiet Ewropej u tal-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, bit-tisħiħ tal-kunċett taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-ugwaljanza elettorali, il-promozzjoni tal-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva u ta’ rappreżentanza diretta taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew, f’konformità mal-Artikolu 10 TFUE, biex jittejbu l-funzjonament tal-Parlament Ewropew u l-governanza tal-Unjoni, u b’hekk il-ħidma tal-Parlament Ewropew issir aktar leġittima u effikaċi, tittejjeb l-effikaċja tas-sistema għall-kondotta ta’ elezzjonijiet Ewropej, titrawwem sjieda komuni fost iċ-ċittadini mill-Istati Membri kollha, tissaħħaħ il-kompożizzjoni bbilanċjata tal-Parlament Ewropew, u jiġi pprovdut l-ogħla livell possibbli ta’ ugwaljanza elettorali u l-parteċipazzjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

2.

Jipproponi li l-viżibbiltà tal-partiti politiċi Ewropej tiżdied billi isimhom u l-logos tagħhom jitqiegħdu fuq il-karti tal-votazzjoni, u jirrakkomanda li l-istess għandu jidher fil-kampanji fuq ix-xandir televiżiv u fuq ir-radju, fuq il-posters u materjal ieħor li jintuża fil-kampanji elettorali Ewropej, speċjalment il-manifesti tal-partiti nazzjonali, billi dawn il-miżuri jistgħu jrendu l-elezzjonijiet Ewropej aktar trasparenti u jtejbu l-mod demokratiku li bih jitwettqu, billi ċ-ċittadini jkunu jistgħu jorbtu b'mod ċar il-vot tagħhom mal-impatt li għandu fuq l-influwenza politika tal-partiti politiċi Ewropej u l-kapaċità tagħhom biex jiffurmaw gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew;

3.

Iqis, fl-istess ħin, fid-dawl tal-impenn tal-Unjoni lejn is-sussidjarjetà, li l-partiti politiċi reġjonali li jikkompetu f’elezzjonijiet Ewropej għandhom isegwu l-istess prattika u li l-awtoritajiet reġjonali għandhom jiġu inkoraġġiti jużaw lingwi reġjonali rikonoxxuti uffiċjalment f’dak il-kuntest;

4.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-partiti politiċi Ewropej, kif ukoll tal-kandidati ewlenin tagħhom, f’kampanji elettorali, b’mod partikolari fuq it-televiżjoni u f’midja oħra;

5.

Jiddetermina li jistabbilixxi skadenza minima komuni ta' 12-il ġimgħa qabel jum l-elezzjoni għall-istabbiliment ta' reġistri elettorali, sabiex tittejjeb l-ugwaljanza elettorali billi jipprovdi lill-kandidati u lill-votanti fl-Unjoni bl-istess perjodu li fih ikunu jistgħu jħejju u jirriflettu minn qabel dwar il-vot; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirriflettu fuq modi li jiżguraw konverġenza akbar bejn ir-regoli li jirregolaw kampanji elettorali dwar l-elezzjonijiet Ewropej;

6.

Iqis li huwa essenzjali li l-partiti politiċi fil-livelli kollha jadottaw proċeduri demokratiċi u trasparenti għall-għażla tal-kandidati; jirrakkomanda li l-partiti nazzjonali jorganizzaw votazzjoni b’mod demokratiku biex jagħżlu l-kandidati tagħhom għall-elezzjonijiet Ewropej;

7.

Jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta' limitu obbligatorju, li jvarja bejn 3 % u 5 % għall-allokazzjoni ta' siġġijiet fi Stati Membri b'kostitwenza waħda u kostitwenzi li fihom tintuża s-sistema ta' listi u li jinkludu aktar minn 26 siġġu; iqis din il-miżura bħala importanti għas-salvagwardja tal-funzjonament tal-Parlament Ewropew, billi tevita aktar frammentazzjoni;

8.

Jipproponi, minkejja l-fatt li l-Istati Membri huma ħielsa jiddeterminaw il-jum/jiem tal-elezzjonijiet fi ħdan il-perjodu elettorali, li l-elezzjonijiet fl-Istati Membri kollha jispiċċaw fid-21:00 CET tal-Ħadd tal-elezzjonijiet Ewropej, billi dan jiżgura l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 10(2) tal-Att Elettorali u b'hekk titnaqqas il-possibbiltà li r-riżultat tal-elezzjonijiet jiġi influwenzat jekk ir-riżultati tal-elezzjoni f'uħud mill-Istati Membri jsiru disponibbli għall-pubbliku qabel l-għeluq tal-votazzjoni fl-Istati Membri kollha; huwa favur li l-projbizzjoni ta’ tħabbir kmieni tar-riżultati tal-elezzjonijiet għandha tibqa’ fis-seħħ fl-Istati Membri kollha;

9.

Jiddeterminali jistabbilixxi data ta’ skadenza komuni għan-nomina ta’ kandidati ewlenin mill-partiti politiċi Ewropej 12-il ġimgħa qabel l-elezzjonijiet Ewropej, sabiex ikunu jistgħu jiġu ppreżentati l-programmi elettorali tagħhom, jiġu organizzati d-dibattiti politiċi bejn il-kandidati u jsiru kampanji elettorali madwar l-Unjoni kollha; iqis li l-proċess tan-nomina tal-kandidati ewlenin jikkostitwixxi aspett importanti tal-kampanji elettorali minħabba r-rabta impliċita bejn ir-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej u l-għażla tal-President tal-Kummissjoni kif minqux fit-Trattat ta' Lisbona;

10.

Jiddeterminali jistabbilixxi data ta’ skadenza komuni ta’ tmien ġimgħat għall-finalizzazzjoni tar-reġistru elettorali u sitt ġimgħat għall-informazzjoni rigward iċ-ċittadini tal-Unjoni b’ċittadinanza doppja u ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru ieħor li għandha tiġi skambjata mal-awtorità nazzjonali unika inkarigata mill-votazzjoni elettorali;

11.

Jissuġġerixxi li l-integrità tal-elezzjonijiet għandha tissaħħaħ billi jiġi limitat l-infiq tal-kampanja għal ammont raġonevoli li jippermetti l-preżentazzjoni xierqa ta’ partiti politiċi, kandidati u l-programmi elettorali tagħhom;

12.

Jipproponi li ċ-ċittadini tal-Unjoni kollha, inklużi dawk li jirrisjedu jew jaħdmu f'pajjiż terz, jingħataw id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew; iqis li dan, finalment, jista' jagħti liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni l-istess dritt għall-vot fl-elezzjonijiet Ewropej taħt l-istess kundizzjonijiet, irrispettivament mill-post ta' residenza jew taċ-ċittadinanza tagħhom;

13.

Jitlob lill-Istati Membri, madankollu, biex jikkoordinaw aħjar is-sistemi amministrattivi tagħhom sabiex jipprevjenu lill-votanti milli jivvutaw darbtejn f’żewġ Stati Membri differenti;

14.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippermettu votazzjoni postali, elettronika u fuq l-internet sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini kollha u għalihom il-votazzjoni ssir aktar faċli, u speċjalment għall-persuni b’mobilità mnaqqsa u għal persuni li jirrisjedu jew jew jaħdmu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini jew f’pajjiż terz, dment li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi evitata kull possibbiltà ta’ frodi fl-użu ta’ votazzjoni permezz ta’ dawk il-mezzi;

15.

Bħala pass futur, jirrakkomanda lill-Istati Membri li jikkunsidraw modi biex jarmonizzaw l-età minima tal-votanti u jagħmluha ta' 16-il sena sabiex ikomplu jżidu l-ugwaljanza elettorali bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni;

16.

Jitlob li jsir rieżami tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li jiġu adottati r-regoli dwar il-Kummissarji li jfittxu li jiġu eletti fil-Parlament Ewropew, sabiex ma tiġix impedita l-effiċjenza istituzzjonali tal-Kummissjoni fi żmien l-elezzjonijiet, waqt li jiġi evitat l-użu ħażin tar-riżorsi istituzzjonali;

17.

Jiddeterminali jagħti lill-Parlament id-dritt li jistabbilixxi l-perjodu elettorali għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew wara li jikkonsulta mal-Kunsill;

18.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw oqfsa legali adegwati li jiżguraw l-ogħla standards ta’ kopertura fil-midja informattiva, ġusta u oġġettiva matul il-kampanji elettorali, b’mod partikolari minn xandara tas-servizz pubbliku; iqis li dan huwa kruċjali sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata dwar programmi politiċi li jikkompetu; jirrikonoxxi l-importanza ta’ strumenti awtoregolatorji bħalma huma l-kodiċi ta’ kondotta biex jintlaħaq dan l-għan;

19.

Jitlob li jissaħħu l-istandards maħsuba biex tiġi żgurata kompetizzjoni ħielsa u mingħajr xkiel bejn il-partiti politiċi u, b’mod partikolari, li jittejbu l-pluraliżmu tal-midja u n-newtralità fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika fir-rigward tal-proċess elettorali;

20.

Jenfasizza l-importanza ta’ preżenza akbar tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u rappreżentanza aħjar tan-nisa fl-elezzjonijiet Ewropej; għaldaqstant, jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippromwovu l-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tul il-proċess elettorali kollu; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza ta’ reġistri elettorali bbilanċjati fis-sessi;

21.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jippromwovu rappreżentanza adegwata ta’ minoranzi etniċi, lingwistiċi u minoranzi oħra fl-elezzjonijiet Ewoprej;

22.

Iqis li jkun xieraq li tiġi stabbilita Awtorità Elettorali Ewropea li tingħata l-kompitu li tiċċentralizza informazzjoni dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, tissorvelja t-tmexxija tal-elezzjonijiet u tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri;

23.

Jiddetermina li l-kariga ta’ Membru tal-Parlament Ewropew għandha tkun inkompattibli wkoll ma’ dik ta’ membru ta’ parlament reġjonali jew assemblea b’setgħat leġislattivi;

24.

Ifakkar li, minkejja r-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, l-Istati Membri ripetutament naqsu milli jaqblu dwar jum ta’ votazzjoni komuni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaħdmu ħalli jintlaħaq ftehim dwar din il-kwistjoni;

25.

Jissottometti lill-Kunsill il-proposta annessa għall-emenda tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew permezz ta' suffraġju universali dirett (16);

26.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 1.) kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/81/Euratom, KEFA, KEE, (ĠU L 33, 9.2.1993, p. 15.) u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1.).

(2)  ĠU C 292, 21.9.1998, p. 66.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2012)0462.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2013)0323.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2013)0082.

(6)  ĠU L 79, 21.3.2013, p. 29.

(7)  PE 558.775 (http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2015/558775/EPRS_IDA(2015)558775_EN.pdf)

(8)  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

(9)  ĠU L 329, 30.12.1993, p. 34.

(10)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.

(11)  L-Artikoli 10(2) u 14(2) tat-TUE.

(12)  L-Artikolu 189(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

(13)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2002 u t-23 ta’ Settembru 2002 li temenda l-Att rigward l-elezzjoni tar-rappreżrntanti tal-Parlament Ewropew bis-suffraġju universali dirett, anness mad-Deċiżjoni 76/787/KEFA, KEE, Euratom (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1).

(14)  L-Artikolu 20(2) tat-TFUE.

(15)  L-Artikolu 17(7) tat-TUE.

(16)  L-emendi fil-proposta annessa huma bbażati fuq konsolidazzjoni mis-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew fuq il-bażi tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-Assemblea b'suffraġju universali dirett (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 5), kif emendat bid-Deċiżjoni 93/81/Euratom, KEFA, KEE li temenda l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta' Settembru 1976 (ĠU L 33, 9.2.1993, p. 15), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal-25 ta' Ġunju 2002 u tat-23 ta' Settembru 2002 (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1). Ivarja mill-verżjoni kkonsolidata prodotta mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (CONSLEG. 1976X1008-23/09/2002) fuq żewġ punti: jinkorpora inċiż għall-Artikolu 7(1) ' – membru tal-Kumitat tar-Reġjuni' li jirriżulta mill-Artikolu 5 tat-Trattat ta' Amsterdam (ĠU C 340, 10.11.1997) u huwa nnumerat mill-ġdid skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom.


ANNESS

Proposta għal-

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tadotta d-dispożizzjonijiet li jemendaw l-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’suffraġju universali dirett

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 223(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Parlament Ewropew,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġislattiva speċjali,

Billi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-proċedura elettorali għandhom jiġu implimentati,

ADOTTA d-dispożizzjonijiet li ġejjin u jirrakkomanda li jiġu approvati mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom.

Artikolu 1

L-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom (1), huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   F'kull Stat Membru, il-membri tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu eletti bħala rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni fuq il-bażi ta' rappreżentanza proporzjonali, bl-użu tas-sistema ta' lista jew tal-vot wieħed trasferibbli.”.

(2)

L-artikolu li ġej huwa mdaħħal:

“Artikolu 2a

Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'unanimità, jiddeċiedi fuq kostitwenza konġunta fejn fuq quddiem fil-listi tkun imniżżla l-persuna kandidata minn kull familja politika għall-pożizzjoni ta’ President tal-Kummissjoni.”.

(3)

LArtikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Għall-kostitwenzi, u għall-Istati Membri b'kostitwenza waħda, li fihom tintuża s-sistema ta' lista u li jinkludu aktar minn 26 siġġu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu livell limitu għall-allokazzjoni ta' siġġijiet li ma għandux ikun inqas minn 3 fil-mija, u ma għandux jeċċedi l-5 fil-mija tal-voti mitfugħa fil-kostitwenza, jew fl-Istat Membru b'kostitwenza waħda, ikkonċernati.”.

(4)

L-artikoli li ġejjin huma mdaħħla:

“Artikolu 3a

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi skadenza għall-istabbiliment tal-listi ta’ kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dik l-iskadenza għandha tkun ta’ mill-inqas 12-il ġimgħa qabel il-bidu tal-perjodu elettorali msemmi fl-Artikolu 10(1).

Artikolu 3b

L-iskadenza għall-istabbiliment u l-finalizzazzjoni ta’ reġistru elettorali għandha tkun ta’ tmien ġimgħat qabel l-ewwel jum tal-elezzjoni.

Artikolu 3c

Il-partiti politiċi li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom josservaw proċeduri demokratiċi u trasparenti fl-għażla tal-kandidati tagħhom għal dawk l-elezzjonijiet.

Artikolu 3d

Il-lista ta’ kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għandha tiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Artikolu 3e

Il-poloz tal-vot użati f’elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom jagħtu l-viżibilità ugwali lill-ismijiet u l-logos tal-partiti nazzjonali u għal dawk tal-partiti politiċi Ewropej.

L-Istati Membri għandhom iħeġġu u jiffaċilitaw l-għoti ta’ dawn l-affiljazzjonijiet fil-kampanji fuq ix-xandir televiżiv u bir-radju u fuq il-materjali tal-kampanji elettorali. Il-materjali tal-kampanja elettorali għandhom jinkludu referenza għall-manifest tal-partit politiku Ewropew, jekk ikun hemm, li miegħu huwa affiljat il-partit nazzjonali.

Ir-regoli dwar l-impustar ta’ materjali elettorali lill-votanti fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom ikunu l-istess bħal dawk applikati għall-elezzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 3f

Il-partiti politiċi Ewropej għandhom jinnominaw il-kandidati tagħhom għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni tal-inqas 12-il ġimgħa qabel il-bidu tal-perjodu elettorali msemmi fl-Artikolu 10(1).”.

(5)

L-artikoli li ġejjin huma mdaħħla:

“Artikolu 4a

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-votazzjoni elettronika u bl-internet għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u, meta jagħmlu dan, għandhom jadottaw miżuri suffiċjenti biex jiżguraw l-affidabbiltà tar-riżultat, is-segretezza tal-vot u l-protezzjoni tad-data.

Artikolu 4b

L-Istati Membri jistgħu jikkonċedu liċ-ċittadini tagħhom il-possibbiltà li jivvutaw bil-posta fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.”.

(6)

Fl-Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu huwa mħassar.

(7)

Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jivvutaw fuq bażi individwali u personali. Huma ma għandhom ikunu marbuta b’ebda istruzzjoni u ma għandhomx jirċievu mandat vinkolanti. Għandhom jirrappreżentaw liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.

2.   Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu mill-privileġġi u l-immunitajiet applikabbli għalihom bis-saħħa tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.”.

(8)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-uffiċċju ta' membru tal-Parlament Ewropew għandu jkun inkompattibli ma dak ta':

membru tal-gvern ta' Stat Membru,

membru ta’ parlament nazzjonali jew reġjonali jew assemblea b’setgħat leġislattivi,

membru tal-Kummissjoni,

Imħallef, Avukat Ġenerali jew Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

membru tal-Qorti tal-Awdituri,

l-Ombudsman Ewropew,

membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali,

membru tal-Kumitat tar-Reġjuni,

membru ta' kumitati jew korpi oħra mwaqqfa skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-finijiet ta' mmaniġġjar tal-fondi tal-Unjoni jew għat-twettiq ta' ħidma amministrattiva diretta permanenti,

membru tal-Bord tad-Diretturi, il-Kumitat ta' Ġestjoni jew il-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

uffiċjal jew impjegat attiv tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew tal-korpi speċjalizzati marbuta magħhom jew tal-Bank Ċentrali Ewropew.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa mħassar;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-Membri tal-Parlament Ewropew li għalihom jibdew japplikaw il-paragrafi 1 u 3 matul il-perjodu ta' ħames snin imsemmi fl-Artikolu 5 għandhom jiġu sostitwiti skont l-Artikolu 13.”.

(9)

L-artikoli li ġejjin huma mdaħħla:

“Artikolu 9a

Iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, inklużi dawk li jirrisjedu jew jaħdmu f'pajjiż terz, għandu jkollhom id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

Artikolu 9b

Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtorità ta’ kuntatt responsabbli għall-iskambju ta’ dejta dwar votanti mal-kontroparti tagħha fl-Istati Membri l-oħra. Dik l-awtorità għandha tittrażmetti lil dawk il-kontropartijiet, sa mhux aktar tard minn sitt ġimgħat qabel l-ewwel jum tal-elezzjoni u permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi uniformi u sikuri, id-dejta dwar iċ-ċittadini tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ iktar minn Stat Membru wieħed u ċ-ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini tal-Istat Membru li fih ikunu residenti.

L-informazzjoni trażmessa għandha tinkludi mill-inqas il-kunjom u l-isem, l-età, il-post ta’ residenza, u d-data tal-wasla fl-Istat Membru kkonċernat, taċ-ċittadin inkwistjoni.”.

(10)

L-Artikoli 10 u 11 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 10

1.   L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom isiru fid-data jew fid-dati u l-ħinijiet stabbiliti minn kull Stat Membru. Għall-Istati Membri kollha din id-data jew dawn id-dati għandhom ikunu fl-istess perjodu li jibda l-Ħamis filgħodu u jispiċċa l-Ħadd ta' wara. L-elezzjoni għandha tintemm fl-Istati Membri kollha sad-21:00 CET ta' dak il-jum tal-Ħadd.

2.   L-Istati Membri ma għandhomx jippubblikaw b'mod uffiċjali r-riżultati tal-għadd tagħhom qabel ma jingħalqu l-votazzjonijiet. L-ewwel projezzjonijiet uffiċjali tar-riżultati għandhom jiġu kkomunikati b'mod simultanju fl-Istati Membri kollha fi tmiem il-perjodu elettorali speċifikat fil-paragrafu 1. Qabel dan, l-ebda previżjoni bbażata fuq ir-riżultati tal-votazzjoni ma tista’ tiġi ppubblikata.

3.   L-għadd tal-voti bil-posta għandu jibda fl-Istati Membri kollha ladarba tkun ingħalqet il-votazzjoni fl-Istati Membri fejn il-votanti jivvutaw l-aħħar fil-perjodu elettorali msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 11

1.   Il-Parlament Ewropew, wara li jikkonsulta lill-Kunsill, għandu jiddetermina l-perjodu elettorali għall-elezzjonijiet tal-inqas sena qabel tmiem il-mandat ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 5.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 229 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu jiltaqa', mingħajr il-bżonn li jiġi msejjaħ, nhar l-ewwel Tlieta wara li jkun għadda intervall ta' xahar minn tmiem il-perjodu elettorali.”.

(11)

L-Artikoli 14 u 15 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 14

Il-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Att għandhom jiġu proposti mill-Parlament Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, u adottati mill-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni u wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 15

Dan l-Att huwa mħejji fil-lingwa Daniża, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Netherlandiża, , , , Portugiża, Spanjola, Taljana u Żvediża, filwaqt li t-test f'kull waħda minn dawn il-lingwi huwa ugwalment awtentiku.

Skont it-Trattati tal-Adeżjoni, il-verżjoni Bulgara, Ċeka, Estonjana, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Rumena, Slovakka, Slovena u Ungeriża ta' dan l-Att għandhom ikunu awtentiċi wkoll.”.

(12)

L-Annessi I and II huma mħassra.

Artikolu 2

1.   L-emendi stabbiliti fl-Artikolu 1 għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni mill-Istati Membri, skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar it-tlestija tal-proċeduri nazzjonali tagħhom.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta' Settembru 1976 (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 1).


It-Tlieta, 24 ta’ Novembru 2015

27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/19


P8_TA(2015)0401

It-tnaqqis tal-inugwaljanzi b'enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b’enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal (2014/2237(INI))

(2017/C 366/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi New York, fl-20 ta' Novembru 1989,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, adottata fi New York, fit-13 ta' Diċembru 2006,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta,

wara li kkunsidra d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (2000/43/KE) u d-Direttiva dwar il-Qafas ta' Ugwaljanza fl-Impjiegi (2000/78/KE),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu 'Investing in children: Breaking the cycle of disadvantage' (L-investiment fit-tfal: Niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ) (2013/112/UE),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummisjoni bit-titolu 'Employment and Social Developments in Europe 2012' (L-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa 2012),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2011 bit-titolu “Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal” (COM(2011)0060),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 bit-titolu “Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali” (COM(2010)0758),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Lulju 2006“Lejn Strateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal” (COM(2006)0367),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound dwar 'Third European Quality of Life Survey – Quality of life in Europe: Impacts of the crisis' (It-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja – Il-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa:L-impatti tal-kriżi),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2013 dwar 'Third European Quality of Life Survey – Quality of life in Europe: Social inequalities' (It-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja – Il-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa:Inugwaljanzi soċjali),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014–2020” (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE (6);

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' soċjetà inklużiva fl-Ewropa (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008: Lejn strateġija Ewropea għad-drittijiet tat-tfal (9),

wara li kkunsidra r-rapport ta' Save the Children (2014) 'Child poverty and social exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tar-Riċerka tal-UNICEF tal-2014 'Children of the Recession: The impact of the economic crisis on child well-being in rich countries' (Tfal tar-Riċessjoni: L-impatt tal-kriżi ekonomika fuq il-benessri tat-tfal f'pajjiżi sinjuri),

wara li kkunsidra r-rapport tal-EAPN u l-Eurochild (2013) 'Towards children's well-being in Europe – explainer on child poverty in the EU' (Lejn il-benessri tat-tfal fl-Ewropa – l-ispjega dwar il-faqar fost it-tfal fl-UE),

wara li kkunsidra r-rapport ta' valutazzjoni Eurochild (2014) bit-titolu 'The 2014 National Reform Programmes (NRP) and National Social Reports (NSR) from a child poverty and well-being perspective' (Il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tal-2014 (PNR) u r-Rapporti Soċjali Nazzjonali (RSN) minn perspettiva tal-faqar u l-benessri fost it-tfal),

wara li kkunsidra r-rapport mill-ħdax-il konferenza tal-Eurochild, li saret mis-26 sat-28 ta' Novembru 2014 f'Bukarest,

wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru tar-Riċerka Innocenti tal-UNICEF tal-2012 'Measuring child poverty: New league tables of child poverty in the world's rich countries' (Inkejlu l-faqar fost it-tfal: Klassifiki ġodda tal-faqar fost it-tfal fil-pajjiżi sinjuri tad-dinja),

wara li kkunsidra r-Rapport Xjentifiku Finali DRIVERS: L-inugwaljanzi soċjali fis-saħħa u l-iżvilupp bikrija tat-tfal: analiżi sistematika fl-Ewropa kollha, Londra, Settembru 2014,

wara li kkunsidra l-Istatistika tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) 2013,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-30 ta' Settembru 2009 bit-titolu 'Work and poverty: towards the necessary holistic approach' (Ix-xogħol u l-faqar: lejn l-approċċ olistiku meħtieġ),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Lulju 2010 dwar 'Child poverty and children's well-being' (Il-faqar fost it-tfal u l-benessri tagħhom),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar European minimum income and poverty indicators' (Introjtu minimu Ewropew u indikaturi tal-faqar),

wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi bit-titolu "L-investiment fit-tfal: Niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ – Studju ta' politiki nazzjonali min-Netwerk Ewropew ta' Esperti Indipendenti dwar l-Inklużjoni Soċjali (10),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0310/2015),

A.

billi għandha tingħata viżibilità politika akbar għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal fl-ogħla livell politiku tal-UE, jekk l-UE trid tissodisfa l-mira tal-istrateġija Ewropa 2020 ta' tnaqqis tan-numru ta' persuni milquta mill-faqar b'mill-inqas 20 miljun sal-2020;

B.

billi, taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC), it-tfal kollha għandhom jiġu garantiti d-dritt għall-edukazzjoni, servizzi tal-kura tas-saħħa, dar, protezzjoni, parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet li jaffettwawhom, divertiment u ħin liberu, dieta bilanċjata u li jirċievu l-kura f'ambjent ta' familja;

C.

billi l-maġġoranza tal-Istati Membri s'issa ma tantx kienu lesti li jużaw il-fondi strutturali tal-UE għall-ġlieda kontra r-rati allarmanti u li għadhom qed jikbru tal-faqar fost it-tfal fl-Ewropa u għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-benesseri ġenerali tagħhom;

D.

billi aktar inugwaljanzi soċjali, jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għaż-żieda fil-faqar fost it-tfal, u billi t-tfal jinsabu fl-akbar riskju ta' faqar f'19-il Stat Membru;

E.

billi, skont il-Eurostat, il-fatturi ewlenin li jaffettwaw il-faqar fost it-tfal huma l-politiki ta' ridistribuzzjoni tal-ġid, l-effikaċja tal-intervent min-naħa tal-gvern permezz ta' appoġġ għall-introjtu, il-forniment ta' servizzi ta' sostenn, il-politika dwar ix-xogħol (11) u l-qagħda fis-suq tax-xogħol tal-ġenituri, li hija marbuta mal-livell ta' edukazzjoni tagħhom u l-kompożizzjoni tal-unità domestika li fiha jgħixu t-tfal; billi żieda fl-impjiegi tikkostitwixxi strument effikaċi għat-tnaqqis tal-faqar;

F.

billi persuna minn ħamsa tal-popolazzjoni totali tal-UE għandha inqas minn 18-il sena; billi, minkejja l-impenji li ttieħdu, fl-UE aktar minn wieħed minn kull erbat itfal jgħixu fir-riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali;

G.

billi l-Parlament sejjaħ ripetutament biex issir implimentazzjoni tal-Pakkett ta' Investiment Soċjali, u japprova r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill bit-titolu 'Investing in children: Breaking the cycle of disadvantage' (L-investiment fit-tfal: Niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ), li tipproponi qafas ta' politika komprensiv biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal u jiġi promoss il-benessri tat-tfal, abbażi ta' tliet pilastri, li huma l-aċċess għal riżorsi adegwati fil-qafas tal-Fond Soċjali Ewropew, l-aċċess għal servizzi ta' kwalità u inklużivi, u l-parteċipazzjoni tat-tfal fis-soċjetà u t-teħid ta' deċiżjonijiet, u li jirrikonoxxi t-tfal bħala detenturi ta' drittijiet; jiddispjaċih, madankollu li l-UE ma ħaditx passi konkreti biex timplimenta dan matul is-Semestru Ewropew;

H.

billi, għalkemm it-tfal ta' ġenituri b'intensità tax-xogħol baxxa ħafna huma 56,7 % aktar probabbli li jkunu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, il-familji b'intensità tax-xogħol għolja għadhom f'riskju ta' faqar fost it-tfal illum (ir-Rumanija, il-Litwanja, il-Portugall, Spanja, il-Greċja, il-Latvja, is-Slovakkja, il-Polonja u l-Lussemburgu);

I.

billi l-faqar fost it-tfal ġej mill-faqar tal-familji, billi familji bi dħul baxx u li huma numerużi huma għalhekk aktar f'riskju ta' faqar, filwaqt li d-distribuzzjoni tal-introjtu għandha impatt kbir biex jitnaqqsu ċ-ċikli tal-inugwaljanza soċjali, u billi l-politiki dwar il-paga nazzjonali kif ukoll is-sistemi tal-protezzjoni soċjali li qed jiddeterjoraw qed iżidu r-riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, li jikkontribwixxi biex jikber il-faqar fost it-tfal, kif deher fl-Istati Membri bl-inqas rata ta' faqar fost it-tfal, li huma wkoll dawk bl-inqas livelli ta' faqar ġenerali u ta' inugwaljanza;

J.

billi bejn l-2008 u l-2012, in-numru ta' tfal f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-Ewropa (UE27+in-Norveġja, l-Islanda u l-Isvizzera) żdied bi kważi miljun, b'żieda ta' nofs miljun bejn l-2011 u l-2012 biss (12); billi fl-2013, skont id-data tal-Eurostat, 26,5 miljun tifel u tifla fl-UE28 kienu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali. billi fl-UE27, ir-riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali żdied bejn l-2008 u l-2012 minn 26,5 % għal 28 %; billi fl-2013, fl-Istati Membri tal-UE28, 28 % tal-popolazzjoni totali taħt it-18-il sena kienet f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali u, fil-maġġoranza kbira tal-pajjiżi, ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali hija akbar għat-tfal milli għall-adulti;

K.

billi n-nisa huma f'riskju akbar ta' faqar mill-irġiel u billi l-indirizzar tal-faqar fost in-nisa huwa importanti mhux biss fih innifsu imma wkoll hu ta' importanza vitali fl-isforzi biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal;

L.

billi hemm inugwaljanza li qed tikber bejn il-pajjiżi fi ħdan l-UE; billi hu allarmanti li l-persentaġġ ta' tfal li jsofru minn malnutrizzjoni qed jiżdied u dan qed jikkawża li jerġgħu jidhru patoloġiji li kienu sparixxew fl-UE (eż. rachitis); billi hu sintomatiku li, skont il-UNICEF (13), f'pajjiżi bħall-Estonja, il-Greċja u l-Italja, il-percentwali ta' tfal li ma jistgħux jieklu laħam, tiġieġ jew ħut għal jumejn wara xulxin irdoppja b'mod drammatiku mill-2008;

M.

billi fl-osservazzjonijiet ta' konklużjoni dwar l-aħħar rapporti perjodiċi ta' wħud mill-pajjiżi, il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal esprima tħassib dwar iż-żieda fir-rata tal-faqar u/jew tar-rata ta' tfal li jinsabu f'riskju tal-faqar minħabba l-kriżi ekonomika, li taffettwa l-fatt li dawn igawdu ħafna mid-drittijiet minquxa fil-UNHRC, partikolarment id-drittijiet għas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali, u inkoraġġixxa l-awtoritajiet jiżguraw li l-linji baġitarji għat-tfal ikunu protetti, u billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika wasslet għal deterjorazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u għall-emerġenza ta' grupp ġdid, magħruf ukoll bħala 'ġdid fil-bżonn';

N.

billi ambjent intraprenditorjali favorevoli jistimula t-tkabbir tal-impjiegi fl-Istati Membri, u jwessa' l-opportunitajiet ta' impjieg għall-ġenituri, li jistgħu mbagħad jservu bħala mudelli aċċettabbli, speċjalment f'komunitajiet milquta b'mod negattiv mill-faqar multiġenerazzjonali u l-esklużjoni;

O.

billi l-familji b'ġenitur wieħed, speċjalment familji mmexxija minn ommijiet waħedhom, huma f'riskju akbar ta' faqar jew esklużjoni soċjali (49,8 % meta mqabbla ma' 25,2 %), għalkemm hemm differenzi enormi bejn il-pajjiżi, skont il-EU-SILC (14) li huma relatati mal-femminizzazzjoni tal-faqar, ir-rappreżentanza eċċessiva tan-nisa fix-xogħol prekarju u bħala ħaddiema part-time b'mod involontarju, il-ħin sproporzjonat li jagħmlu n-nisa f'xogħol mhux imħallas, interruzzjonijiet fil-karrieri tan-nisa biex jieħdu ħsieb it-tfal jew membri oħra tal-familja, u d-differenza fil-paga bejn l-irġiel u n-nisa;

P.

billi l-faqar fost it-tfal jista' jitnaqqas billi jitjiebu l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari tan-nisa, permezz ta' żvilupp pożittiv fil-kura tat-tfal;

Q.

billi t-tfal u l-ġenituri tagħhom, ġenituri tar-rispett u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal iridu jkunu protetti minn kull diskriminazzjoni bħalma huma s-sess, ir-razza, il-kulur, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew opinjoni oħra, l-oriġini nazzjonali etnika jew soċjali, l-assoċjazzjoni ma' minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew status ieħor, u billi t-tfal minn gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni jinsabu f'riskju akbar ta' marġinalizzazzjoni, faqar u esklużjoni soċjali, kif konfermat mill-aħħar rapporti mill-Federazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet Nazzjonali li jaħdmu mal-Persuni Mingħajr Dar li jenfasizzaw żieda fin-nisa, iż-żgħażagħ u l-familji bit-tfal (speċjalment familji migranti) li jittieħdu f'xelters għal persuni mingħajr dar; billi familji kbar b'paga waħda huma iktar f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, minħabba l-politiki ta' degradazzjoni tal-pagi u tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja u ekonomika;

R.

billi l-effetti tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fuq it-tfal jistgħu jdumu tul ħajjithom u jirriżultaw f'qgħad u faqar interġenerazzjonali; billi d-distakk edukattiv bejn tfal minn kuntesti soċjoekonomiċi differenti żdied (fi 11-il pajjiż, l-għoti ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal għal dawk bejn l-etajiet ta' 0 u 3 snin tkopri mhux aktar minn 15 %);

S.

billi l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għandhom impatt deċiżiv fuq l-iżvilupp konjittiv tat-tfal, minħabba li jiżviluppaw kapaċitajiet essenzjali fl-ewwel ħames snin u billi l-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għolja jistabbilixxi s-sisien għas-suċċess aktar tard fil-ħajja f'termini ta' edukazzjoni, benesseri, impjegabbiltà, u integrazzjoni soċjali, u għandu impatt sinifikanti fuq l-awtostima speċjalment għat-tfal minn kuntest żvantaġġat; billi d-distakk edukattiv bejn tfal minn kuntest soċjoekonomiku differenti żdied; billi ġenituri li jaħdmu li ma jkollhomx aċċess għal skola tat-trabi ta' spiss ikollhom iħallu t-tfal fil-kura ta' tfal oħra, jew jirrikorru għal netwerks tal-kura informali mħallsa u mhux iċċertifikati, u dan jippreġudika s-sikurezza u l-benessri tat-tfal tagħhom; billi l-edukazzjoni preprimarja jista' jkollha rwol sinifikanti fl-ikkumpensar għall-istatus soċjoekonomiku baxx ta' tfal mhedda mill-faqar u tikkostitwixxi fattur li jiffaċilita r-ritorn tal-ġenituri għas-suq tax-xogħol (15); billi l-edukazzjoni inklussiva tindirizza u tirrispondi għad-diversità tal-bżonnijiet tal-istudenti kollha permezz ta' parteċipazzjoni akbar fit-tagħlim, il-kulturi u l-valuri komunitarji, u għalhekk tirrappreżenta għodda b'saħħitha fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali;

T.

billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett fil-ħidma kontra l-faqar fost it-tfal u l-isfruttament tagħhom u għalhekk għandhom responsabbiltà kruċjali fil-prevenzjoni tal-marġinalizzazzjoni u l-esklużjoni soċjali u billi dawn għandhom jiġu pprovduti b'mezzi suffiċjenti mill-awtoritajiet nazzjonali biex jilħqu dawn l-għanijiet, kull meta jkun xieraq;

U.

billi l-infiq fuq l-ispejjeż tal-edukazzjoni, speċjalment fir-rigward ta' materjali skolastiċi u t-trasport, essenzjalment jitħallas mill-familji fil-maġġoranza tal-pajjiżi; billi dan l-infiq hu wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu għat-tluq bikri mill-iskola; billi għad hemm ostakli finanzjarji, amministrattivi u ostakli prattiċi oħrajn għall-edukazzjoni għal tfal minn gruppi emarġinati;

V.

billi l-ambjent soċjoekonomiku li jgħixu fih it-tfal jaffettwa l-kwalità ta' ħin mgħoddi fl-iskola u l-kwalità tal-ħin matul il-vaganzi skolastiċi, u billi livell baxx ta' stimulazzjoni waqt il-ħin liberu għandu l-effett mhux mixtieq li jżid id-differenzi bejn it-tfal, speċjalment fl-edukazzjoni tagħhom;

W.

billi, fl-2012, ir-rata medja ta' tluq bikri mill-iskola kienet 13 % għall-UE u aktar minn 20 % f'xi pajjiżi (il-Portugall, Spanja u Malta) (16);

X.

billi, anki f'pajjiżi fejn id-dritt għas-saħħa huwa mnaqqax fil-liġi, hemm ħafna tfal li ma għandhomx aċċess għal kura tas-saħħa xierqa, filwaqt li hemm xi tfal li għandhom aċċess estremament limitat għal servizzi lil hinn mill-kura ta' emerġenza, bħal dawk għal tabib tal-mediċina ġenerali jew dentist, partikolarment minħabba n-nuqqas ta' servizzi pubbliċi disponibbli; billi t-tfal imwielda fil-faqar huma f'riskju akbar li jiġu affettwati b'mard kroniku u li jkollhom aktar problemi ta' saħħa, li jwassal għat-tkomplija tal-inugwaljanza;

Y.

billi l-problemi finanzjarji tal-familji jikkontribwixxu għal żieda fil-problemi ta' saħħa mentali fil-ġenituri u għal każijiet ta' tkissir tal-familja, u dan għandu riperkussjonijiet evidenti fuq il-benessri psikoloġiku u soċjali tat-tfal;

Z.

billi l-ambjent li jgħixu fih it-tfal, inkluż il-perjodu ta' qabel it-twelid, għandu influwenza deċiżiva fuq l-iżvilupp tas-sistema konjittiva, fuq il-komunikazzjoni u l-lingwa, u fuq il-ħiliet soċjali u emozzjonali, li jkollhom impatt fuq is-saħħa, il-benessri, il-parteċipazzjoni fil-komunitajiet u l-kapaċitajiet ta' tagħlim (17);

AA.

billi t-tfal kollha għandhom id-dritt li jkunu protetti mill-abbuż, il-vjolenza u n-negliġenza u billi r-riċerka kkonkludiet li l-pressjoni finanzjarja fil-familji, it-tnaqqis fis-servizzi pubbliċi u żieda fil-faqar jistgħu jwasslu għal vjolenza akbar kontra t-tfal;

AB.

billi l-faqar fost it-tfal huwa fenomenu multidimensjonali li jeħtieġ rispons multidimensjonali; billi l-impjieg huwa fattur importanti, iżda mhux dejjem jiggarantixxi ħelsien mill-faqar għall-familja tat-tfal ikkonċernati;

AC.

billi l-faqar fost it-tfal għandu piż ekonomiku kbir fuq soċjetajiet, partikolarment rigward infiq akbar fuq l-appoġġ soċjali;

AD.

billi huwa aktar probabbli li l-familji li jgħixu f'riskju ta' faqar ikunu jgħixu f'żoni mhux sanitarji u mhux sikuri, u billi 17 % tat-tfal fl-UE28 għadhom jgħixu f'tali kundizzjonijiet, bi 15-il pajjiż aktar mill-medja; billi n-numru dejjem jikber ta' tkeċċija minħabba l-inabbiltà li jitħallsu l-ispejjeż tad-djar wassal biex it-tfal ikollhom imorru jgħixu f'kundizzjonijiet ta' abitazzjoni dejjem aktar instabbli li mbagħad ikollhom impatti negattivi fuq l-iżvilupp u l-opportunitajiet tal-ħajja tat-tfal;

AE.

billi, skont l-Istatistika Ewropea dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU SILC) tal-Eurostat, 2012, il-faqar enerġetiku huwa realtà li taffettwa l-Istati Membri kollha; billi wieħed mill-konsegwenzi taż-żieda fil-prezz tal-enerġija jfisser li ħafna tfal jgħixu fi djar mingħajr tisħin, u billi dan iżid in-numru ta' mard respiratorju u kardjovaskolari;

AF.

billi familji bi tfal bi problemi ta' saħħa, u bl-istess mod ġenituri li jkollhom problemi ta' saħħa, aktar spiss jiffaċċjaw ir-riskju tal-faqar, it-tkissir tal-familja u diffikultà biex jistabbilixxu lilhom infushom fis-suq tax-xogħol;

AG.

billi l-aġenda li jmiss ta' wara l-2015tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-universalità tagħha tipprovdi opportunità biex jiżdiedu l-investimenti fit-tfal u d-drittijiet tagħhom;

AH.

billi t-tfal migranti huma rappreżentati żżejjed fil-grupp f'riskju ta' faqar u hemm aktar diskriminazzjoni kontrihom minħabba ostakli lingwistiċi, u billi s-sitwazzjoni hija agħar għat-tfal ta' immigranti illegali; billi, bl-intensifikazzjoni tal-flussi migratorji, attwalment hemm numru dejjem jikber ta' każijiet li fihom it-tfal ta' immigranti jibqgħu fil-pajjiż tat-twelid tagħhom taħt il-kura ta' membri oħra tal-familja jew ta' partijiet terzi, u billi dan għandu influwenza negattiva fuq l-iżvilupp tat-tfal, b'mod partikolari fil-livell emozzjonali;

AI.

billi l-enfasi qawwija ta' politika fuq il-faqar fost it-tfal fis-snin reċenti fi ħdan l-UE u d-dikjarazzjonijiet politiċi ta' appoġġ mill-Kapijiet ta' Stat tal-UE għadhom ma wasslux għal tnaqqis sinifikanti fil-livelli ta' faqar fost it-tfal;

AJ.

billi għandu jkun hemm appoġġ finanzjarju akbar għal programmi ta' għajnuna għall-ikel immirati lejn il-familji żvantaġġati, peress li numru dejjem jikber ta' tfal ikollhom aċċess għall-ikel fl-iskola biss; billi dawn il-programmi huma importanti, iżda ma jistgħux jitqiesu bħala soluzzjoni fit-tul;

AK.

billi kwistjonijiet ambjentali bħat-tniġġis, it-traffiku, l-art kontaminata u l-ilma mhux tajjeb għax-xorb ta' spiss jaffettwaw b'mod sproporzjonat it-tfal li jgħixu fil-faqar.

1.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri biex jieħdu impenn reali billi jiżviluppaw politiki li jiġġieldu l-faqar tat-tfal li l-enfasi tagħhom tkun li jikkoreġu fatturi li jaffettwaw il-faqar tat-tfal u jżidu l-effikaċja, il-kwantità, l-ammonti u l-ambitu tal-appoġġ soċjali dirett speċifikament lejn it-tfal, iżda anke lejn il-ġenituri li huma qiegħda u l-fenomenu tal-ħaddiema fqar (bħall-benefiċċji tal-qgħad u introjtu minimu adegwat) u biex jippromwovu liġijiet tax-xogħol li jiggarantixxu d-drittijiet soċjali inkluż paga minima adegwata statutorja bi qbil mal-prattiki nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi, li tipprovdi aktar sigurtà lill-familji u tiġġieled l-impjieg prekarju, filwaqt li jippromovu x-xogħol bi drittijiet soċjali adegwati;

2.

Jitlob li jkun hemm monitoraġġ u evalwazzjoni tal-effikaċja ta' dan l-appoġġ, sabiex jiġu adattati l-politiki għall-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni u t-tluq bikri mill-iskola għall-ħtiġijiet eżistenti ta' ugwaljanza soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u japplikaw proċessi ta' ġbir ta' evidenza differenti adatti għal kull stadju tal-intervent;

3.

Jirrakomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi mal-Istati Membri pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-approċċ fuq tliet pilastri li hemm fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 'Ninvestu fit-tfal: Niksru ċ-Ċiklu tal-Iżvantaġġ' f'termini ta' aċċess għar-riżorsi, is-servizzi u l-parteċipazzjoni tat-tfal; iqis li, sabiex ikun hemm riżultati aħjar b'approċċ fuq tliet pilastri, ikun utli li jiġu żviluppati indikaturi preċiżi u speċfiċi tal-livell tal-faqar tat-tfal u tal-oqsma l-aktar affettwati minn dan il-fenomenu; jistieden lill-Istati Membri jintegraw b'mod effettiv aspetti rilevanti tal-Pakkett tal-Investiment Soċjali u r-rakkomnadazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u r-Rapporti Soċjali Nazzjonali b'mod komprensiv u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mira sekondarja tal-Ewropa 2020 dwar it-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali, u sabiex tara li l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali jkunu viżibbli u espliċiti fl-istadji kollha tas-Semestru Ewropew; jenfasizza li t-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal permezz tal-investiment fit-tfal għandu jkun propost bħala prijorità ewlenija għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016, u bħala mezz ewlieni għall-progress fuq il-mira tal-faqar; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ u rappurtar annwali mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni permezz tal-pjan direzzjonali u biex tuża l-Fond Soċjali Ewropew sabiex timplimenta r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u twettaq valutazzjoni tal-effetti fuq il-faqar ta' riformi proposti fi ħdan il-Programmi ta' Riforma Nazzjonali;

4.

Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw ukoll, fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-faqar fost it-tfal, il-pożizzjoni tan-nisa li jieħdu ħsieb it-tfal u l-membri tal-familja bi bżonnijiet speċjali u b'diżabilità;

5.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri, meta jużaw ir-riżorsi tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew u jiżviluppaw politiki soċjali, għandhom jiddedikaw aktar attenzjoni biex jipproteġu l-familji (speċjalment familji b'ġenitur wieħed) bi tfal bi problemi ta' saħħa kontra l-faqar;

6.

Itenni l-importanza ta' politiki pubbliċi preventivi li jinvestu f'politiki intelliġenti għall-benesseri tat-tfal u li jappoġġaw l-iżvilupp ta' individwi awtonomi biex ikunu kapaċi jintegraw fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, pjuttost milli politiki li jiffokaw fuq il-konsegwenzi tal-esklużjoni soċjali u l-faqar fost it-tfal;

7.

Iqis li mingħajr ma tiġi traskurata l-ħtieġa ta' appoġġ lit-tfal li huma foqra, li telqu kmieni mill-iskola jew huma esklużi soċjalment, il-politiki li jappoġġaw it-tfal u ż-żgħażagħ għandhom ikunu mmarkati bis-sħiħ mill-prevenzjoni, inklużi strateġiji fit-tul għall-ġlieda kontra l-inugwaljanza soċjali;

8.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jimplimentaw jew itejbu benefiċċji soċjali universali immirati lejn it-tfal, bħall-għoti ta' ikliet sussidjati jew mingħajr ħlas għalihom, speċjalment għat-tfal żvantaġġati u dawk foqra, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp b'saħħtu tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri attivi dwar l-impjiegi bħala parti minn strateġiji u politiki komprensivi biex jappoġġaw l-aċċess tal-ġenituri għal impjiegi ta' kwalità tajba u introjtu adegwat, u aċċess għal servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja (partikolarment il-kura tat-tfal, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni, u l-attivitajiet ta' divertiment), li jiffaċilitaw l-allinjament tal-ħajja professjonali ma' dik tal-familja kif ukoll biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tat-tfal u l-familji tagħhom fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' dawn il-politiki; jenfasizza li soluzzjonijiet universali għandhom jinqgħaqdu flimkien ma' miżuri ffukati biex jappoġġaw il-gruppi ta' tfal u adolexxenti l-aktar vulnerabbli u marġinalizzati; jiddispjaċih għat-tendenza dejjem tikber ta' gvernijiet tal-Istati Membri li jitbiegħdu minn politiki ta' appoġġ universali u jmorru lejn appoġġ ibbażat fuq ittestjar akbar tal-meżżi billi l-evidenza turi li l-politiki ta' appoġġ universali joffru protezzjoni aħjar kontra l-faqar fost it-tfal (18);

9.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jaqblu dwar standards tal-UE, jew jistabbilixxu metodoloġija maqbula għad-determinazzjoni tal-kost tat-trobbija ta' tarbija u biex jiġu definiti riżorsi adegwati għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lura milli tirrakkomanda tfassil mill-ġdid u tnaqqis fis-servizzi pubbliċi tal-Istati Membri, milli tippromwovi relazzjonijiet tax-xogħol flessibbli u l-privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, li wasslu b'mod inekwivoku sabiex jiddgħajfu d-drittijiet soċjali tat-tfal;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni tenfasizza l-bżonn ta' investimenti fis-settur tal-edukazzjoni pubblika mingħajr ħlas, billi tfassal metodi ta' tagħlim speċifiċi għall-aktar gruppi soċjalment vulnerabbli bħall-immigranti jew persuni b'diżabilitajiet ta' tipi differenti. iqis li l-edukazzjoni tista' tkun element ewlieni u ta' prijorità sabiex it-tfal jiksbu l-kompetenzi li jistgħu jippermettulhom li jkollhom aċċess għal postijiet tax-xogħol kwalifikati u mħallsa tajjeb, billi dan jippermettilhom jwittu t-triq mis-sitwazzjonijiet ta' faqar għalihom infushom.

12.

Ifakkar li l-indirizzar tal-faqar fost it-tfal jitlob l-adozzjoni ta' approċċ ta' ċiklu tal-ħajja li jinkludi t-tkissir taċ-ċiklu interġenerazzjonali tar-riskji tal-faqar, li jirrifletti l-ħtiġijiet differenti tat-tfulija bikrija, it-tfulija primarja u l-adoloxxenza, filwaqt li japplika approċċ orjentat lejn it-tfulija kollha kemm hi billi jitkejjel l-għadd ta' deprivazzjonijiet li jesperjenzaw kull tifel u tifla b'mod simultanju, b'hekk jiġu żvelati dawk l-aktar imċaħħda, u jitkejjel mhux biss il-faqar monetarju imma wkoll id-deprivazzjonijiet multidimensjonali;

13.

Jirrakkomanda li t-tfal kollha jkollhom aċċess għal servizzi ta' kwalità tajba f'dan l-istadju kruċjali fl-iżvilupp tagħhom; iqis li s-saħħa, l-edukazzjoni, l-appoġġ tal-ġenituri u l-familja, l-akkomodazzjoni u l-protezzjoni huma servizzi ewlenin li ta' spiss jingħataw mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

14.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw, jimplimentaw u jimmonitorjaw il-pjanijiet sabiex jittaffa l-faqar multidimensjonali fost it-tfal, titqiegħed enfasi fuq id-drittijiet intrinsiċi tat-tfal, u jiġu stabbiliti miri għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal b'enfasi espliċita fuq, u bi prijoritizzazzjoni ta', dawk it-tfal li jgħixu fl-ogħla riskji ta' faqar; ifakkar l-importanza għall-Istati Membri li jipprovdu, għall-inqas fil-livelli ta' qabel il-kriżi, in-nefqa reali dwar il-protezzjoni soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni soċjali għall-benefiċċju tal-aktar tfal żvantaġġati;

15.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu pjanijiet sabiex itaffu s-sens ta' esklużjoni soċjali tat-tfal b'diżabilità intellettwali, billi jistabbilixxu moduli ta' taħriġ aktar effikaċi li jiffaċilitaw il-proċessi ta' tagħlim tagħhom;

16.

Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal huma ostakli ċentrali li jridu jingħelbu jekk iridu jilħqu l-miri tal-Ewropa 2020 fir-rigward tar-rata tal-impjiegi, l-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp, l-enerġija u l-iżvilupp sostenibbli;

17.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddedikaw aktar attenzjoni għall-ħolqien u d-disponibbiltà ta' klima favorevoli barra mill-iskola fejn it-tfal ikunu jistgħu jqattgħu l-ħin tagħhom b'mod sinifikanti u stimolanti barra l-ħinijiet tal-iskola u matul il-vaganzi skolastiċi, u biex jiddedikaw attenzjoni akbar għad-disponibbiltà ta' kura tas-saħħa bażika għat-tfal f'żoni żvantaġġati u f'reġjuni remoti u inaċċessibbli;

18.

Jistieden lill-Istati Membri jevitaw li jiżolaw f'gettos lil tfal li qed jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, billi jintroduċu standards minimi għall-akkomodazzjoni tat-tfal, filwaqt li jikkunsidraw l-aħjar interessi tat-tfal u billi jiggarantixxu akkomodazzjoni f'dar xierqa li tissodisfa l-bżonnijiet tagħhom u tiżgura l-benessri tagħhom, il-privatezza u l-kwalità tal-ħajja, u b'hekk jikkontribwixxu għall-kisba tal-ġustizzja soċjali u l-koeżjoni u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar;

19.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Parlament jieħdu l-opportunità pprovduta mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali biex jagħmlu użu aħjar mill-Fond Soċjali Ewropew u l- Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn u l-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali u biex jiċċekkjaw jekk it-tfal humiex prijorità fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-politiki reġjonali u ta' koeżjoni, b'attenzjoni partikolari għall-obbligu li jitwaqqgħu gradwalment istituzzjonijiet residenzjali kbar (infurzabbli mill-2014), sabiex jissaħħaħ l-istatus ta' ġenituri adottivi u tar-rispett biex b'hekk orfni u tfal żvantaġġati jistgħu attwalment jikbru f'ambjent ta' familja jew f'ambjent tipiku ta' familja; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni toħloq indikaturi li janalizzaw il-faqar fost it-tfal;

20.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw jekk l-istrateġiji bbażati fuq l-ikel bħad-diversifikazzjoni tad-dieta u t-tisħiħ tal-ikel, kif ukoll l-edukazzjoni dwar in-nutrizzjoni, is-saħħa pubblika u l-miżuri tas-sikurezza tal-ikel, u finalment is-supplimentazzjoni, għandhomx jiġu indirizzati għal gruppi partikolari tal-popolazzjoni sabiex jimpedixxu l-effetti negattivi ta' malnutrizzjoni jew nuqqas ta' nutrizzjoni fuq is-saħħa tat-tfal;

21.

Jirrakkomanda li l-baġits nazzjonali tal-Istati Membri jkun fihom dispożizzjonijiet viżibbli, trasparenti, parteċipattivi u b'responsabbiltà għall-approprijazzjonijiet u l-ispejjeż biex jiġi miġġieled il-faqar fost it-tfal u biex iwettqu d-dmir tagħhom li jipproteġu t-tfal, inkluż ukoll żieda fl-infiq pubbliku sabiex jintlaħqu dawn il-miri; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-akbar użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew, partikolarment il-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jimplimentaw it-tliet pilastri li jinvestigaw ir-rakkomnadazzjoni dwar it-tfal;

22.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida li jappoġġaw il-parteċipazzjoni tat-tfal fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet, b'hekk tistabbilixxi mekkaniżmi li jippromwovu l-parteċipazzjoni tat-tfal fit-teħid ta' deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjithom u li jippermettu u jinkoraġġixxu lit-tfal jesprimu fehmiet infurmati, filwaqt li jiżguraw li dawk il-fehmiet jingħataw importanza xierqa u jkunu riflessi fid-deċiżjonijiet ewlenin li jaffettwawhom;

23.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu miri għat-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali;

24.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw, fejn meħtieġ, ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' entitajiet u istituzzjonijiet li jippromwovu l-edukazzjoni, it-taħriġ kulturali jew sportivi, u l-integrazzjoni tat-tfal, u li jiġġieldu l-faqar tagħhom; jirrakkomanda, madankollu, li l-Istati Membri jiżguraw is-superviżjoni, il-kwalità, is-sostenibbiltà u r-rilevanza ta' dan l-appoġġ, kif ukoll tar-riżultati attwali tiegħu;

25.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw leġiżlazzjoni speċifika li tipproteġi u żżid id-drittijiet tal-maternità u l-paternità, anke permezz tal-implimentazzjoni ta' strumenti effikaċi ta' konċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-familja, u li tissalvagwardja r-ritorn lejn ix-xogħol għan-nisa wara l-liv tat-tqala u tal-maternità, u tappoġġa l-familji b'ġenitur wieħed; jenfasizza, barra minn hekk, li t-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni dwar il-liv tal-paternità jagħti spinta importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bejn is-sessi b'pagi differenti fuq il-post tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li t-trattament inugwali u l-fastidju tal-impjegati ma jistax jiġi ġġustifikat mill-impjegaturi b'referenza għal tqala, trobbija tat-tfal jew kwistjonijiet relatati mal-familja;

26.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżviluppaw politiki soċjali proattivi, universali u integrati li jimpedixxu l-faqar u t-tneħħija tat-tfal mill-ambjent familjari tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonalizzazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ tintuża biss bħala l-aħħar għażla, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, u li jintużaw il-fondi strutturali tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi biex tiġi sostnuta t-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal dawk tal-familja u għal servizzi bbażati fil-komunità;

27.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jitbiegħdu mill-kura istituzzjonali favur sistemi stabbli ta' foster care li jippreparaw aħjar lit-tfal u ż-żgħażagħ għal ħajja indipendenti, tagħlim kontinwu jew xogħol;

28.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw sistemi integrati ta' protezzjoni tat-tfal biex iħarsu lit-tfal kontra l-vjolenza, l-abbuż, l-isfruttament u t-traskuraġni b'mod li jiġi żgurat li dawk li huma responsabbli u l-komponenti tas-sistema jaħdmu flimkien fis-setturi u l-aġenziji billi jaqsmu r-responsabbiltajiet biex jiffurmaw ambjent protettiv u jagħtu awtonomija lit-tfal kollha;

29.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu politiki li jiffaċilitaw il-ħolqien u ż-żamma ta' postijiet tax-xogħol diċenti kif ukoll jiżviluppaw sistemi għat-taħriġ, b'hekk itejbu l-kwalifiki u l-kumditajiet bħal telexogħol jew ħin flessibbli li jiffaċilitaw id-dħul jew ir-ritorn tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol wara waqfa fil-karriera professjonali tagħhom;

30.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-aġenziji tal-UE, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lil partijiet interessati oħra biex jiżviluppaw rwoli, responsabbiltajiet, djalogu regolari u proċeduri ċari applikati meta t-tfal ikunu fil-bżonn ta' protezzjoni f'sitwazzjonijiet transkonfinali;

31.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiggarantixxu li t-tfal kollha jingħataw aċċess għal edukazzjoni pubblika, inklussiva u ta' kwalità mingħajr ħlas fl-etajiet kollha, inkluż edukazzjoni u kura fit-tfulija bikrija, kif ukoll edukazzjoni formali u mhux formali, filwaqt li jippromovu l-iżvilupp emozzjonali, soċjali, konjittiv u fiżiku tagħhom, u jistabbilixxu proporzjonijiet xierqa bejn l-għalliema u l-istudenti u jippromovu taħlit soċjali fl-edukazzjoni sabiex jissalvagwardaw is-sikurezza u l-benessri tat-tfal, ikun żgurat li t-tfal kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn edukazzjoni inklussiva ta' kwalità għolja u għalhekk jimmassimizzaw l-impatt tas-sistemi ta' edukazzjoni fuq l-opportunitajiet indaqs u jkissru ċ-ċiklu tal-faqar;

32.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kwalità tas-servizzi edukattivi offruti permezz ta' approċċ individwali u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fost l-għalliema, il-ħaddiema soċjali u l-ġenituri sabiex jiġi evitat li t-tfal u ż-żgħażagħ itemmu l-edukazzjoni tagħhom;

33.

Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-iżvilupp ta' edukazzjoni u kura affordabbli u aċċessibbli fit-tfulija bikrija (ECEC), u jirrikonoxxuha bħala investiment soċjali bl-għan li tindirizza l-inugwaljanza u l-isfidi partikolarment dawk li jiltaqgħu magħhom it-tfal minn familji żvantaġġati, kif ukoll biex iżidu l-għarfien tal-ġenituri dwar il-benefiċċji ta' parteċipazzjoni attiva fil-programmi ECEC;

34.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu skola inklużiva, li għandha tinvolvi mhux biss iż-żieda fl-għadd ta' għalliema tal-edukazzjoni speċjali, iżda wkoll l-integrazzjoni ta' tfal bi bżonnijiet edukattivi speċjali fi klassijiet normali;

35.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu aċċess universali u ugwali għal crèches u preprimarji għat-tfal mill-gruppi soċjali kollha;

36.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu parteċipazzjoni sħiħa tat-tfal kollha billi jipprovdu materjali skolastiċi, ikliet nutrittivi u t-trasport meħtieġ għall-iskola għat-tfal fqar jew f'riskju ta' faqar, iżidu l-effikaċja tal-investimenti pubbliċi preżenti fis-settur u jiġġieldu kontra t-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-faqar b'mod aktar effettiv;

37.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu kura tas-saħħa universali, pubblika, mingħajr ħlas u ta' kwalità fir-rigward tal-prevenzjoni, il-programmi ta' immunizzazzjoni u l-kura primarja, l-aċċess għal dijanjożi, it-trattament u r-rijabilitazzjoni, u jipprovdu terapiji tad-diskors u psikoloġiċi għat-tfal, jiggarantixxu lin-nisa d-dritt għas-saħħa sesswali u riproduttiva billi tiġi żgurata l-kura tas-saħħa għat-trabi, il-kura tal-maternità u ż-żjarat fid-dar fil-perjodu ta' kura ta' qabel u wara t-twelid, partikolarment fil-każ ta' twelid qabel iż-żmien, l-aċċess għal tobba tal-familja, infermiera, dentisti, servizzi tal-counseilling għall-familja, speċjalisti tas-saħħa mentali għat-tfal kollha u l-familji tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jintegraw dawn l-aspetti fl-istrateġiji tas-saħħa pubblika nazzjonali u tal-UE;

38.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu l-appoġġ meħtieġ biex jiżguraw id-dritt għall-kultura, l-isport u d-divertiment, aċċess għal spazji miftuħa u għal ambjent san għat-tfal kollha, b'enfasi fuq l-iżgurar ta' aċċess ugwali u ta' kwalità għat-tfal fil-faqar, it-tfal f'żoni remoti, it-tfal b'diżabilitajiet, tfal minn minoritajiet nazzjonali, etniċi, reliġjużi, lingwistiċi jew tfal migranti, tfal li jiċċaqalqu fl-UE irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u t-tfal li tħallew fil-pajjiż; ifakkar id-dritt għar-rikreazzjoni kif stabbilit fil-UNCRC;

39.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' protezzjoni msaħħa tat-tfal li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali mill-vjolenza domestika;

40.

Jistieden lill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk fejn l-inugwaljanzi soċjali huma akbar, biex isaħħu d-drittijiet soċjali u l-aċċess għal servizzi u l-protezzjoni soċjali, li għandhom jiġu ggarantiti mill-Istat, billi jiżdied in-numru ta' impjegati u professjonisti fis-servizzi tas-sigurtà soċjali li jaħdmu mat-tfal u għat-tfal u l-familji tagħhom, u tiżdied il-kura medika, psikoloġika u soċjali tat-tfal billi tiġi indirizzata lejn dawk l-aktar fil-bżonn, b'mod partikolari lejn it-tfal u b'approċċ ta' intervent bikri;

41.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi li jippromwovu u jiżguraw il-parteċipazzjoni tat-tfal fit-teħid ta' deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjithom u biex jippermettu u jinkoraġġixxu lit-tfal jesprimu fehmiet infurmati, jiżguraw li dawk il-fehmiet jingħataw importanza xierqa u jkunu riflessi fid-deċiżjonijiet ewlenin li jaffettwawhom;

42.

Jirrikonoxxi r-rwol tas-soċjetà ċivili, inklużi d-drittijiet tat-tfal u l-organizzazzjonijiet kontra l-faqar, biex tiġi żgurata l-koerenza politika tal-UE, u jitlob għal djalogu ċivili aktar b'saħħtu dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal fl-Istati Membri;

43.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel ir-rata tat-tluq bikri mill-iskola u l-indirizzar tal-faqar fost it-tfal prijorità espliċita;

44.

Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jipparteċipaw b'mod attiv fil-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal għal kwalunkwe forma ta' sfruttament, inkluż ix-xogħol, iż-żwieġ furzat, l-adozzjoni illegali, l-attivitajiet illegali u l-isfruttament sesswali;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-funzjonament tan-netwerks Ewropej u transnazzjonali għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni fost it-tfal u ż-żgħażagħ; iwissi li l-integrazzjoni tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u r-reġjuni l-aktar żvantaġġati f'dawn in-netwerks u l-istituzzjonijiet għandha tkun appoġġata b'mod partikolari;

46.

Iqis id-dritt għal sistemi ta' edukazzjoni, saħħa u sigurtà soċjali bla ħlas u universali bħala kundizzjonijiet bażiċi biex jiġi miġġieled il-faqar, partikolarment fost it-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'dan l-objettiv quddiemu, u minħabba li s-servizzi pubbliċi ddgħajfu, biex jintroduċu garanzija tat-tfal sabiex it-tfal kollha fil-faqar jista' jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa mingħajr ħlas, edukazzjoni mingħajr ħlas, kura tat-tfal mingħajr ħlas, djar diċenti u nutrizzjoni adegwata bħala parti mill-pjan ta' integrazzjoni Ewropea li jiġġieled il-faqar tat-tfal u li jinkludi kemm il-Garanzija tat-Tfal kif ukoll programmi li joffru sostenn u opportunitajiet għall-ġenituri li joħorġu minn sitwazzjonijiet ta' esklużjoni soċjali u jintegraw fis-suq tax-xogħol;

47.

Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw, permezz tal-muniċipalitajiet tagħhom, ċentri lokali għall-appoġġ tat-tfal u l-familji tagħhom, b'mod partikolari fil-komunitajiet u/jew żoni l-aktar milquta mill-kwistjoni tal-faqar fost it-tfal, biex jipprovdu mhux biss għal għajnuna legali u/jew parir, parir għall-ġenituri u appoġġ fl-iskola, iżda wkoll għall-edukazzjoni u gwida dwar stil ta' ħajja b'saħħtu u dwar l-użu sikur tal-internet, fost affarijiet oħra;

48.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw metodi ta' statistika li jintegraw l-indikaturi multidimensjonali, disaggregati skont l-età, il-ġeneru u gruppi żvantaġġati partikolari, fil-kejl tal-faqar, l-esklużjoni soċjali, l-inugwaljanzi, id-diskriminazzjoni u l-benessri tat-tfal (l-introjtu tal-ġenituri, l-aċċess għas-servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja, il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet soċjali u kulturali, l-aċċess għal servizzi ta' edukazzjoni formali u informali adegwati, l-espożizzjoni għar-riskju fiżiku, is-sikurezza, ambjent stabbli tal-familja u l-livell ta' sodisfazzjon tal-ħajja) u biex jinfurmaw l-iżvilupp tal-politika bbażata fuq evidenza sabiex jitqiesu l-limitazzjonijiet tal-kejl tal-faqar relattiv u l-ħidma tal-UNDP, l-UNICEF u l-OECD, u s-Sottogrupp tal-Indikaturi tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, li jmorru lil hinn mill-indikaturi AROPE (f'riskju ta' faqar u/jew ta' esklużjoni soċjali); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw risposti bbażati fuq approċċ komprensiv u biex jagħmlu użu sħiħ tad-data miġbura taħt inizjattivi bħall-Multi-Overlapping Deprivation Analysis (MODA) żviluppata mill-UNICEF; jenfasizza li aktar indikaturi għandhom jiġu żviluppati biex itejbu l-valutazzjoni tal-kwalità tas-servizzi, ir-riżultati u l-aċċess għas-servizzi, pereżempju fir-rigward tal-istatus soċjo-ekonomiku u l-isfond tal-ġenituri (migranti jew minoranza), sess, diżabilità u l-aspetti ġeografiċi;

49.

Jistieden lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni jabbozzaw opinjonijiet dwar l-investiment fit-tfal;

50.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2014)0070.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2013)0328.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2013)0266.

(4)  ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 57.

(5)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 77.

(6)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 25.

(7)  ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 8.

(8)  ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 11.

(9)  ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 24.

(10)  Netwerk ta' Esperti Indipendenti dwar l-Inklużjoni Soċjali, Rapport ta' sinteżi Investing in children: Breaking the cycle of disadvantage – A study of national policies' (L-Investiment fit-tfal:Niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ – Studju ta' politiki nazzjonali), Brussell, 2014.

(11)  Save the Children, 'Child Poverty and Social Exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa), Brussell, 2014, p. 5

(12)  Save the Children, 'Child Poverty and Social Exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa), Brussell, 2014, p. 5

(13)  Uffiċċju tar-Riċerka tal-UNICEF (2014) “Children of the Recession: The impact of the economic crisis on child well-being in rich countries” (Tfal tar-Riċessjoni: L-impatt tal-kriżi ekonomika fuq il-benessri tat-tfal f'pajjiżi sinjuri), Karta tar-Rapport Innocenti 12, Uffiċċju tar-Riċerka tal-UNICEF, Firenze, paġna 2

(14)  'Child Poverty and Social Exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa), Brussell, 2014, p. 14

(15)  Rapport tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu 'Study regarding funds for implementing policy regarding child poverty (Studju dwar il-fondi għall-implimentazzjoni tal-politika dwar il-faqar fost it-tfal) 2008, p. 9

(16)  EU-SILC (2013) Statistics on Income and Living Conditions (Statistika tal-UE dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien)

(17)  Drivers, 2014, 'Universal, quality early childhood programmes that are responsive to need promote better and more equal outcomes in childhood and later life' (Programmi universali ta' kwalità tat-tfulija bikrija li jirrispondu għal bżonn li jiġu promossi riżultati aħjar u aktar ugwali fit-tfulija u aktar tard fil-ħajja).

(18)  Ibbażat fuq ir-riċerka tal-Eurofound.


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/31


P8_TA(2015)0402

Il-politika ta' koeżjoni u l-komunitajiet emarġinati

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-komunitajiet emarġinati (2014/2247(INI))

(2017/C 366/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 151, 153, 162 u 174 sa 176 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet Ewropej li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-każistika relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u r-rakkomandazzjonijiet relatati tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali f'Pajjiżi Indipendenti,

wara li kkunsidra d-direttivi tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokoll Nru 12 għal dik il-konvenzjoni,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-5 ta' Jannar 2011 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1) (minn issa 'l quddiem “ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni”),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 437/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur komunitajiet emarġinati (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza għall-perijodu 2014 sa 2020 (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (6),

wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 tas-7 ta' Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar is-seba' u t-tmien rapporti ta' progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE u r-Rapport Strateġiku tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-programm għal bejn l-2007 u l-2013 (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta' Lisbona u tal-UE2020 (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2009 dwar is-sitwazzjoni soċjali tar-Roma u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol fl-UE (13),

wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali intitolat, “Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni”,

wara li kkunsidra l-Iskema ta' Gwida Tematika tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2014 dwar ir-Rom u l-Komunitajiet Emarġinati (Objettiv Tematiku 9 – Inklużjoni Soċjali u Faqar),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2014 intitolata “Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Rom” (COM(2014)0209),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Mejju 2012 intitolata “Strateġiji Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE” (COM(2012)0226),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2010 intitolata “Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju” (COM(2010)0715),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2010 intitolata “Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali” (COM(2010)0758),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri ta' integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri (14),

wara li kkunsidra n-“Nota ta' Gwida dwar l-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fl-indirizzar tas-segregazzjoni edukattiva u spazjali (Abbozz)” tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2015,

wara li kkunsidra l-mistoqsija għal tweġiba bil-miktub lill-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2015 dwar finanzjament għall-komunitajiet emarġinati (E-002782/2015),

wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Strateġiji tal-integrazzjoni tar-Rom” (15),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0314/2015),

A.

billi l-politika ta' koeżjoni għandha l-għan li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li jitnaqqsu d-disparitajiet soċjali, inklużi t-tnaqqis u l-qerda tal-faqar u l-esklużjoni, u li dan jeħtieġ il-prevenzjoni tas-segregazzjoni u l-promozzjoni ta' aċċess u opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha, inklużi l-komunitajiet l-aktar emarġinati kif ukoll gruppi u individwi ta' kull età li jħabbtu wiċċhom mal-faqar u l-esklużjoni soċjali u nuqqas ta' aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa;

B.

billi l-politika ta' koeżjoni, kif definita fl-Att Uniku Ewropew tal-1986, hija dwar it-tnaqqis tad-disparitajiet bejn ir-reġjuni varji u r-ritard ta' dawk ir-reġjuni li huma inqas favoriti; billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jżid aspett ieħor għall-koeżjoni, billi jirreferi għall-“koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”;

C.

billi l-objettiv tal-koeżjoni soċjali jeħtieġ rwol Ewropew fil-politiki għall-inklużjoni ta' komunitajiet emarġinati, u jesiġi li l-Istati Membri jużaw il-kompetenzi tagħhom f'dan il-qasam biex jieħdu azzjoni ta' appoġġ u azzjoni wkoll skont programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali kif ukoll programmi nazzjonali;

D.

billi opportunitajiet ta' finanzjament għal komunitajiet emarġinati ġew introdotti fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) fl-2010; billi l-qafas leġiżlattiv għall-politika ta' koeżjoni 2014-2020 joffri approċċ strateġiku;

E.

billi r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 jistipula li l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa ta' benefiċċju għall-persuni, inklużi gruppi żvantaġġati bħal dawk qiegħda fit-tul, persuni b'diżabilitajiet, migranti, minoranzi etniċi, komunitajiet emarġinati u persuni ta' kull età li qegħdin jaffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

F.

billi tal-anqas 23,1 % tal-baġit tal-Politika ta' Koeżjoni se jiġi allokat għal investimenti mill-FSE matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; billi l-FEŻR u l-FSE jaqdu rwol speċifiku u sinifikanti, b'mill-inqas 20 % tal-FSE allokat f'kull Stat Membru għall-objettiv speċifiku tal-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u kull forma ta' diskriminazzjoni, u b'hekk jirrappreżentaw għodda kruċjali fil-promozzjoni ta' inklużjoni akbar ta' komunitajiet emarġinati;

G.

billi r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistabbilixxi numru ta' prekundizzjonijiet relatati man-nondiskriminazzjoni, il-ġeneru u d-diżabilità li jeħtieġ li jkun hemm konformità magħhom (16);

H.

billi s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali wera li l-kriżi ekonomika żiedet il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

I.

billi l-kriżi ekonomika u t-tnaqqis baġitarju u l-miżuri ta' awsterità konsegwenti wasslu għal bosta problemi, li ta' spiss jirriżultaw fi problemi baġitarji kbar għall-muniċipalitajiet, iwasslu għal nuqqas ta' alternattivi meta jiġu ttrattati l-gruppi emarġinati u wieħed jipprova jtejjeb l-inklużjoni tagħhom u jevita s-segregazzjoni, billi tali politiki huma prinċipalment, u xi drabi esklużivament, dipendenti fuq il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE);

J.

billi l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u t-tnaqqis fis-servizzi pubbliċi ppeġġoraw is-sitwazzjoni tan-nisa f'komunitajiet emarġinati;

K.

billi n-nisa f'komunitajiet emarġinati jġarrbu diskriminazzjoni multipla aktar intensa u għandhom rata ta' impjieg aktar baxxa mill-irġiel f'dawk il-komunitajiet u minn nisa oħra;

L.

billi għadd kbir ta' atturi pubbliċi u privati f'livelli u f'setturi differenti, inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, huma involuti u ta' spiss jiżvolġu rwol importanti fl-implimentazzjoni ta' politiki ta' inklużjoni, u b'hekk jirrikjedu approċċ koerenti u kkoordinat sew;

M.

billi attwalment m'hemm l-ebda definizzjoni ta' komunità emarġinata fil-livell tal-Unjoni Ewropea; billi biex wieħed jifhem ir-rapport irid l-ewwel jifhem l-emarġinazzjoni abbażi ta' analiżi ta' attributi u karatteristiċi speċifiċi ta' gruppi emarġinati, li tqis is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, bħalma huma l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, aċċess limitat għall-edukazzjoni u s-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-impjiegi, it-tluq bikri mill-iskola, flimkien ma' esklużjoni strutturali u sistematika u għandha l-għan li tiġi żgurata l-inklużjoni soċjoekonomika effettiva tagħhom;

N.

billi l-Kummissjoni ma pprovdietx definizzjoni ta' komunitajiet emarġinati, filwaqt li ħalliet ir-responsabilità f'idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar definizzjoni abbażi tal-indikaturi nazzjonali tagħhom; jinnota, madankollu, li l-emarġinazzjoni tista' tiġi stabbilita billi jiġi kkunsidrat sett ta' indikaturi rilevanti bħall-esklużjoni soċjali, rata għolja ta' qgħad fit-tul, livell baxx ta' edukazzjoni, kundizzjonijiet (estremament) ħżiena ta' akkomodazzjoni, livell għoli ta' diskriminazzjoni, u esponiment eċċessiv għal riskji għas-saħħa u/jew nuqqas ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, jiġifieri dawk il-popolazzjonijiet meqjusa l-aktar vulnerabbli u l-aktar fil-bżonn ta' għajnuna;

O.

billi l-emarġinazzjoni hija fenomenu soċjali li fih individwi jew komunitajiet jiġu soċjalment esklużi u sistematikament imwaqqfa milli jipparteċipaw, jew jiġu mċaħħda l-aċċess għall-parteċipazzjoni, fil-proċessi soċjali u politiċi li huma essenzjali għall-integrazzjoni soċjali tagħhom; billi “komunitajiet emarġinati” tirreferi għal diversi gruppi u individwi, bħalma huma l-minoranzi, ir-Rom, il-persuni b'diżabilità, il-persuni li jgħixu taħt is-soll tal-faqar jew li jinsabu fir-riskju tal-faqar, il-migranti, ir-rifuġjati u l-gruppi soċjalment esklużi fis-soċjetà; billi r-razziżmu, il-patrijarkija, l-omofobija, l-iżvantaġġi ekonomiċi u fatturi diskriminatorji oħra jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' saffi ta' inugwaljanza u dinamika fejn titnaqqas is-setgħa għan-nisa fi ħdan il-komunitajiet emarġinati;

P.

billi karatteristiċi komuni kondiviżi minn komunitajiet emarġinati jinkludu komunitajiet ta' postijiet, bħal komunitajiet emarġinati li jgħixu f'żoni rurali u kwartieri żvantaġġati; komunitajiet ta' interessi, bħar-rifuġjati u l-persuni li jfittxu l-asil, u minoranzi etniċi u lingwistiċi; u persuni b'diżabilitajiet, l-anzjani, il-persuni mingħajr dar, kif ukoll il-popli indiġeni; billi tipi differenti ta' komunitajiet emarġinati jikkondividu diffikultajiet komuni u kollha jġarrbu forom multipli ta' stigmatizzazzjoni u diskriminazzjoni;

Q.

billi hemm għadd kbir ta' gruppi emarġinati fl-Ewropa; billi fosthom ir-Rom, terminu li huwa mifhum b'mod differenti madwar l-Ewropa, huma l-akbar minoranza etnika fl-Ewropa u waħda mill-komunitajiet l-aktar emarġinati;

R.

billi l-politika ta' koeżjoni għandha tindirizza l-komunitajiet emarġinati fid-diversità tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi; billi l-inklużjoni ta' komunitajiet emarġinati fil-finanzjament tirrikjedi li jsiru sforzi fil-livelli kollha, li jinkludu approċċ koerenti u integrat fit-tul, soluzzjonijiet permanenti, l-emanċipazzjoni, l-isfruttar tal-esperjenza u l-iżvilupp tal-bini tal-kapaċità, anke għan-nisa u l-bniet f'komunitajiet emarġinati, it-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għall-kura bbażata fil-komunità, sabiex tintemm is-segregazzjoni u tinkiseb in-normalizzazzjoni;

S.

billi l-istrateġiji tal-politika ta' koeżjoni Ewropea għall-emanċipazzjoni tan-nisa f'komunitajiet emarġinati jridu jqisu s-sitwazzjoni tan-nisa li jkunu qed jixjieħu, in-nisa b'diżabilità, in-nisa li jindukraw u n-nisa bi problemi ta' saħħa mentali;

T.

billi l-proġetti bbażati fuq l-arti u l-kultura li jippromwovu l-iskambji interkulturali, l-emanċipazzjoni tal-parteċipanti, l-iżvilupp ta' ħiliet kreattivi u soċjali u l-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja tal-komunità lokali huma fost l-aktar għodod effettivi biex jiġu indirizzati l-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali;

U.

billi l-edukazzjoni, kemm dik formali u kemm dik informali, hija strumentali biex jingħelbu l-emarġinazzjoni u d-diskriminazzjoni multipla, f'termini tal-ħolqien ta' djalogu, il-ftuħ u l-ftehim bejn il-komunitajiet, u f'termini tal-emanċipazzjoni tal-komunitajiet emarġinati; billi perspettiva tal-ġeneru fl-edukazzjoni, u r-rwol tagħha fl-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fil-komunitajiet emarġinati, m'għandhiex tintesa;

Prinċipji ġenerali

1.

Ifakkar fil-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-komunitajiet emarġinati; jissottolinja r-rwol importanti tal-politika ta' koeżjoni fl-appoġġ tal-inklużjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħhom;

2.

Ifakkar li l-komunitajiet emarġinati ġew introdotti bħala prijorità tal-miżuri tal-politika ta' koeżjoni minħabba tħassib dejjem jikber dwar, u l-impenn li tiġi miġġielda, l-esklużjoni soċjali, inkluż tħassib dwar is-sitwazzjoni tar-Rom u l-appell li ilu li sar biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida dwar id-definizzjoni ta' komunitajiet emarġinati, li tispeċifika sett ta' attributi u karatteristiċi ta' gruppi emarġinati, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjoni, l-isfidi u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull grupp destinatarju potenzjali bl-għan tal-promozzjoni tal-inklużjoni soċjoekonomika tagħhom, u tal-involviment ta' rappreżentanti ta' dawk il-komunitajiet; jenfasizza li tali gwida tkompli żżid l-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni fit-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea kollha;

4.

Jilqa' l-fatt li l-qafas leġiżlattiv għall-politika ta' koeżjoni tal-2014-2020 introduċa elementi ġodda li jikkonsolidaw l-approċċ inizjali billi jestendu l-opportunitajiet ta' finanzjament u jdaħħlu mekkaniżmi li jiżguraw li l-appoġġ għall-komunitajiet emarġinati jikkonforma mal-valuri u l-objettivi Ewropej u jqis il-ħtieġa li jiġu involuti dawn il-gruppi fil-proċess sħiħ;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dettaljata rigward l-adozzjoni ta' opportunitajiet ta' finanzjament għall-komunitajiet emarġinati; jitlob li titwettaq analiżi li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet xierqa u li jiġu identifikati l-ostakli li qed jipprevjenu aktar adozzjoni jew l-aħjar riżultati possibbli;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-użu effettiv tal-Kodiċi ta' Kondotta Ewropew fir-rigward tal-prinċipju tas-sħubija u l-involviment tas-soċjetà ċivili; ifakkar li l-prinċipji orizzontali fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) – li jinkorporaw drittijiet fundamentali bħall-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs, il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli – iridu jiġu applikati fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi taħt il-FSIE; ifakkar li l-azzjonijiet tal-Istati Membri kollha, li huma ffinanzjati taħt il-politika ta' koeżjoni tal-UE, għandhom jirrispettaw il-prinċipji tad-drittijiet fundamentali u m'għandhom qatt jikkontribwixxu għal segregazzjoni b'xi mod;

7.

Jenfasizza li l-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni huma inkorporati fir-regoli ta' fianzjament tal-FSIE bl-għan li jiġu eliminati il-kawżi sistemiċi tal-inugwaljanza, kemm jekk ekonomika, soċjali jew abbażi tal-ġeneru, kif ukoll dwar l-aċċess għall-kultura u l-edukazzjoni; jenfasizza li l-fehim ta', u s-sensibilizzazzjoni dwar, il-ksenofobija u r-razziżmu sistemiċi għandhom ikunu punt ewlieni fl-analiżi tal-għeruq tal-esklużjoni;

8.

Ifakkar li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tikkostitwixxi prinċipju li japplika b'mod orizzontali għall-politika ta' koeżjoni; jiddeplora d-diskriminazzjoni multipla mġarrba b'mod partikolari min-nisa, il-migranti u l-persuni b'diżabilità fil-komunitajiet emarġinati;

9.

Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni trid tittratta l-isfida kruċjali tal-faqar u l-esklużjoni soċjali ta' żgħażagħ u tfal, adulti u persuni b'diżabilità, inkluża t-tranżizzjoni minn kura u servizzi istituzzjonali għal dawk ibbażati fil-komunità; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati jieħdu azzjoni u miżuri xierqa biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji għal dan l-għan, bl-applikazzjoni tal-approċċ integrat;

10.

Jirrimarka li, fl-iżvilupp ta' politiki indirizzati lejn udjenzi destinatarji speċifiċi skont il-prinċipju ta' 'identifikazzjoni espliċita iżda mhux esklussiva', wieħed għandu joqgħod attent li ma jiġux esklużi gruppi oħra f'ċirkostanzi soċjoekonomiċi simili, sabiex jiġi evitat li jkun hemm reazzjonijiet difensivi; jenfasizza li dan il-prinċipju huwa biss l-ewwel pass fl-għarfien tal-ħtieġa li tingħata attenzjoni lil xi wħud mill-komunitajiet u l-individwi l-aktar vulnerabbli u emarġinati;

11.

Jenfasizza li strutturi responsabbli, trasparenti u demokratiċi għandhom ikunu fis-seħħ għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-użu frodulenti tal-fondi biex tiġi żgurata l-inklużjoni tal-komunitajiet emarġinati;

12.

Iqis l-aċċess għal servizzi pubbliċi bħala wieħed mill-għanijiet ewlenin fl-indirizzar tal-inklużjoni tal-gruppi emarġinati; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-għoti ta' materjal ta' informazzjoni dwar is-saħħa mfassal apposta u l-iżvilupp ta' strateġiji ta' prevenzjoni tal-mard u ta' inizjattivi dwar is-saħħa komunitarja f'komunitajiet emarġinati; jitlob li jinħolqu strutturi speċjalizzati, bħal punti tal-ikklerjar li jagħtu pariri dwar kwistjonijiet relatati mal-aċċess għall-kura tas-saħħa, is-suq tax-xogħol u l-edukazzjoni; jitlob b'insistenza li tittieħed azzjoni biex issir bidla fl-amministrazzjonijiet pubbliċi minn approċċ immexxi mid-domanda għal approċċ ta' servizzi akkoljenti;

13.

Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aħjar u rabtiet aktar b'saħħithom bejn strateġiji nazzjonali għal komunitajiet emarġinati, inklużi Strateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom, Strateġiji Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Faqar, strateġiji għall-inklużjoni ta' komunitajiet oħra emarġinati jew żvantaġġati, u strateġiji għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-politika ta' koeżjoni;

14.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu lit-tfal bħala prijorità waqt l-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, u jtenni l-importanza tal-promozzjoni tal-aċċess indaqs għall-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u għall-kundizzjonijiet ta' ħajja dinjitużi għat-tfal;

15.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jinkoraġġixxu l-użu ta' fondi mill-FSE biex jappoġġaw it-tagħlim informali u proġetti ta' tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll proġetti bbażati fuq il-kultura, sabiex jilħqu l-objettivi ta' investiment f'ħiliet ġodda għall-innovazzjoni, u tal-ġlieda kontra l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

16.

Ifakkar – filwaqt li jikkunsidra l-iżbilanċi reġjonali dejjem jikbru, l-isfidi demografiċi u s-sitwazzjoni li jiffaċċjaw numru dejjem jikber ta' żgħażagħ li telqu mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew qed jippjanaw li jitilqu minnu – li fiċ-ċiklu baġitarju tal-2014-2020 huwa disponibbli inqas finanzjament għall-politika ta' koeżjoni; jemmen li l-politika ta' koeżjoni għad għandha l-potenzjal li żżid il-valur max-xogħol li diġà għaddej fl-Istati Membri u li – billi tiffoka fuq it-titjib tal-opportunitajiet ta' impjieg, il-parteċipazzjoni fis-soċjetà u l-investiment fil-ħiliet, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni li jeħtiġuh l-aktar – il-politika ta' koeżjoni tirriżulta, fost ħafna benefiċċji oħrajn, f'aktar inklużjoni soċjali u fi tnaqqis tal-faqar billi tippermetti l-flessibbiltà xierqa biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw l-appoġġ individwalizzat b'konformità mal-ħtiġijiet lokali u biex jiġi żgurat li l-finanzjament jintuża f'dawk iż-żoni fejn il-qgħad huwa l-ogħla u fejn huwa meħtieġ l-aktar;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw ma' dawn il-prinċipji matul l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-analiżi tagħha fir-rappurtar tagħha, anke dwar l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom;

18.

Jisħaq li t-tnaqqis fil-baġit għas-servizzi pubbliċi f'xi Stati Membri matul il-kriżi wassal għal żieda fil-qgħad, nuqqas ta' sigurtà soċjali, sitwazzjoni diffiċli fil-qasam tal-akkomodazzjoni u problemi ta' saħħa; jistieden lill-Istati Membri jużaw b'mod aktar effiċjenti l-appoġġ mill-FSE biex itejbu l-kwalità u l-aċċess ugwali għas-servizzi pubbliċi għall-komunitajiet emarġinati, u jiġġieldu kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni;

19.

Jitlob li titqies perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem meta jkunu qed jiġu mfassla azzjonijiet appoġġati mill-fondi ta' koeżjoni u jenfasizza li d-drittijiet kulturali, ekonomiċi u soċjali għandhom jiġu integrati fil-politiki li għandhom l-għan li jirrikonoxxu lin-nisa mill-komunitajiet emarġinati bħala ċittadini attivi bis-saħħa tagħhom infushom u li r-razziżmu, kemm dak miftuħ u kemm dak inviżibbli, għandu jiġi indirizzat b'mod espliċitu f'kull tfassil ta' azzjoni u politika;

Tħejjija tal-programmi

20.

Jenfasizza li l-prinċipju tas-sħubija għandu jwassal għal involviment fil-livelli kollha, u jeħtieġ li jiġi applikat mill-Istati Membri fuq bażi obbligatorja u mhux biss pro forma; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta dwar is-sħubija fl-iżgurar tal-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza indaqs tas-sieħba, fejn għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-inklużjoni ta' komunitajiet emarġinati biex is-sitwazzjoni speċifika tagħhom, u kwalunkwe sfida potenzjali li huma jiffaċċjaw biex jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għas-sħubija, tista' tiġi kkunsidrata; huwa mħasseb dwar il-konformità fqira mal-involviment obbligatorju ta' sieħba b'konformità mal-prinċipji rispettivi stabbiliti fis-CPR u l-kodiċi ta' kondotta Ewropew dwar is-sħubija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-involviment tas-sħab, fosthom dawk l-aktar ikkonċernati, u jimplimentaw sistema ta' inċentivi u skambju tal-aħjar prattiki, inkluż appoġġ speċifiku lil dawk l-awtoritajiet ta' ġestjoni u l-benefiċjarji li kellhom riżultati partikolarment tajbin f'dan il-qasam;

21.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni aċċettat ftehimiet ta' sħubija li ma jinkludux lil komunitajiet emarġinati biżżejjed; jitlob lill-Kummissjoni tieħu miżuri li jiffaċilitaw l-inklużjoni ta' komunitajiet emarġinati fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta' proġetti, bħala għodda għall-emanċipazzjoni tal-komunitajiet ikkonċernati; jissuġġerixxi li jiġu ppreżentati rakkomandazzjonijiet fil-kuntest tas-Semestru Ewropew bħala mezz xieraq biex tiġi promossa l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri;

22.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni dwar, u lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa dwar l-inklużjoni soċjali tal-komunitajiet emarġinati;

23.

Jilqa' l-fatt li xi Stati Membri, inklużi dawk li qegħdin jirċievu rakkomandazzjonijiet, jagħżlu l-integrazzjoni soċjoekonomika tal-komunitajiet emarġinati bħala prijorità ta' investiment fil-programmi operattivi tagħhom; iwissi, madankollu, li dan għandu wkoll jiġi integrat f'oqsma ta' politika bħall-edukazzjoni u l-impjiegi;

24.

Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-fondi; jenfasizza l-ħtieġa għal enfasi speċjali fuq miżuri ta' finanzjament li jmorru lil hinn mill-azzjoni mmirata skont l-objettiv tematiku għall-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kwalunkwe diskriminazzjoni, biex b'hekk jiġi ppreferut approċċ aktar integrat u sistematiku;

25.

Jikkunsidra li l-governanza u l-koordinazzjoni fuq diversi livelli jiżvolġu rwol importanti; jenfasizza li l-involviment tal-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati lokali huwa essenzjali jekk il-grupp destinatarju għandu jintlaħaq, u li dan jeħtieġ l-ogħla prossimità territorjali possibbli;

Implimentazzjoni tal-programmi

26.

Jirrimarka dwar l-importanza ta' approċċ integrat; huwa tal-fehma li l-fondi għandhom jintużaw b'mod aktar integrat, anke permezz ta' programmi b'fondi differenti, l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità, l-Investiment Territorjali Integrat u l-finanzjament reċiproku, kif imsemmi fl-Artikolu 98(2) tas-CPR u għandhom jiksbu sinerġiji ma' strumenti ta' finanzjament tal-UE u nazzjonali oħra; jistieden lill-amministrazzjonijiet u l-awtoritajiet ikkonċernati biex jaħdmu bis-sħiħ għal kooperazzjoni attiva fil-livelli kollha, fosthom f'livell transfruntier;

27.

Jinnota li l-finanzjament reċiproku bħalissa qed jintuża b'mod limitat, sa ċertu punt minħabba regoli kumplessi deskritti fl-Artikolu 98(2) tas-CPR; huwa tal-fehma li jekk tiżdied il-flessibbiltà tar-regoli għall-finanzjament reċiproku, partikolarment b'referenza għall-komunitajiet emarġinati, tista' tiżdied l-effettività tal-proġetti u jingħata valur miżjud importanti lill-impatt tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħmel analiżi tal-applikazzjoni u l-livell ta' użu tal-finanzjament reċiproku;

28.

Jinnota li komunitajiet emarġinati spiss jgħixu f'partijiet anqas vantaġġati tal-bliet; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni ġenwina ta' programmi ta' tiġdid u riġenerazzjoni urbani għal kwartieri mċaħħda li jgħaqqdu approċċi u sħubijiet integrati u bbażati fuq il-lokalità, jittrattaw l-isfidi ekonomiċi, soċjali u territorjali, u jtejbu l-ambjent urban, u li jiffokaw ukoll fuq żieda fil-konnettività bl-għan li dawn il-komunitajiet jingħataw aċċess aħjar; iqis li l-Aġenda Urbana futura tal-UE għandha tindirizza, b'mod adegwat, l-isfidi u l-ħtiġijiet ewlenin relatati ma' komunitajiet emarġinati f'żoni urbani sabiex jipprevjenu l-ħolqien ta' getti u jiġġieldu b'suċċess kontra s-segregazzjoni, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

29.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet speċifiċi li jiffaċċjaw komunitajiet emarġinati li jgħixu f'żoni rurali, muntanjużi u nħawi iżolati, inklużi l-isfidi marbutin mal-konnettività, il-mobilità u l-aċċess għas-servizzi, iżda anke f'termini ta' opportunitajiet kulturali u soċjali; jenfasizza l-importanza li r-reġjuni jiġu konnessi b'mod aħjar; jinnota wkoll li n-nies f'żoni transfruntieri spiss huma soġġetti għal emarġinazzjoni minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom u li dan għandu jittieħed inkonsiderazzjoni b'mod aħjar meta tiġi fformulata l-politika ta' koeżjoni, partikolarment fir-rigward tal-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea;

30.

Jissottolinja l-ħtieġa li tinbena l-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-servizzi pubbliċi, l-amministrazzjonijiet u l-korpi tas-soċjetà ċivili, bl-għan tal-emanċipazzjoni tal--komunitajiet, b'mod partikolari billi jitħallew jieħdu sehem akbar fit-tfassil tal-politika; jitlob li assistenza teknika mmirata u finanzjament jintużaw ukoll għal dan l-għan;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni toffri l-appoġġ tekniku meħtieġ biex titjieb il-kapaċità amministrattiva tal-korpi involuti fl-amministrazzjoni tal-Fondi Strutturali, u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu pariri u assistenza amministrattiva, eż. billi jorganizzaw taħriġ u billi jgħinu bl-applikazzjonijiet tal-għajnuna u l-ispjegazzjonijiet, sabiex jagħmluha aktar faċli għal komunitajiet emarġinati bħar-Rom li jiksbu tagħrif rigward programmi Ewropej u nazzjonali ta' finanzjament b'appoġġ għall-intraprenditorija u l-impjiegi u biex jissottomettu l-applikazzjonijiet relevanti;

32.

Jenfasizza li s-sħab soċjali jrid ikollhom aċċess għall-assistenza teknika mhux biss sabiex isaħħu l-kapaċità tagħhom, iżda anke biex jiżguraw il-koordinazzjoni u r-rappreżentanza tagħhom f'kumitati ad hoc li jiddefinixxu u jimplimentaw il-programmi operattivi;

33.

Jirrimarka li, bi sħubija ma' rappreżentanti ta' komunitajiet emarġinati, il-Kummissjoni, wara li tagħti gwida dwar id-definizzjoni ta' komunitajiet emarġinati, għandha twaqqaf grupp ad hoc ta' esperti għal parir, u tippromwovi taħriġ adegwat għal persunal amministrattiv, sabiex tipprovdi għarfien speċifiku tad-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-komunitajiet emarġinati, u biex tiġġieled kontra prattiki diskriminatorji, bil-ħsieb li titrawwem l-inklużjoni permezz ta' djalogu kostruttiv u effettiv, u li jiġu implimentati u mmonitorjati proġetti ffinanzjati mill-UE relatati ma' komunitajiet emarġinati b'mod integrat u b’mod effikaċi, biex b'hekk jiġi mmassimizzat l-impatt tagħhom;

34.

Iqis li huwa essenzjali li jiġu inklużi l-korpi tal-ugwaljanza, l-organizzazzjonijiet tan-nisa u nisa minn komunitajiet emarġinati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni, l-użu, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-fondi, fil-livelli kollha – mil-livell lokali u reġjonali sa dak tal-Istati Membri u tal-UE – u jqis li l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi implimentati għandhom jitqiesu bħala proċess ewlieni fit-tisħiħ tal-parteċipazzjoni ta' nisa minn komunitajiet emarġinati;

35.

Jinnota l-approċċ li l-arranġamenti politiċi strateġiċi u operattivi kollha, inkluża l-kapaċità amministrattiva jew istituzzjonali suffiċjenti, għandhom ikunu fis-seħħ qabel ma jsiru l-investimenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa l-issodisfar ta' dawn il-kundizzjonijiet, u tiżgura li jittieħdu azzjonijiet komplementari mill-Istati Membri kkonċernati, b'mod partikolari fil-qasam tal-promozzjoni tal-inklużjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni;

Monitoraġġ u rakkomandazzjonijiet

36.

Jirrimarka li proġetti ffinanzjati mill-UE jrid ikollhom perspettiva fit-tul sabiex ikunu effettivi, u li l-fondi jridu jappoġġaw l-investiment fil-ħtiġijiet attwali tal-benefiċjarji, b'mekkaniżmi li jiżguraw li jintlaħqu l-gruppi destinatarji u li jindirizzaw l-esklużjoni u l-emarġinazzjoni; jitlob li jkun hemm mekkaniżmi kwalitattivi ta' evalwazzjoni u monitoraġġ; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi proattivi u parteċipattivi għall-mmonitoraġġ u l-osservazzjoni tal-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-proċessi ta' ppjanar u evalwazzjoni għal fondi użati għal komunitajiet emarġinati;

37.

Jenfasizza l-fatt li l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, il-kondizzjoni ta' persuni bla dar, l-esklużjoni mill-edukazzjoni u l-qgħad sikwit huma elementi ewlenin ta' emarġinazzjoni; jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' akkomodazzjoni integrata, interventi fil-qasam tal-edukazzjoni u f'dak tal-impjieg, għall-benefiċċju ta' komunitajiet emarġinati;

38.

Ifakkar – filwaqt li jikkunsidra li l-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti nħasset b'mod partikolarment iebes mill-gruppi emarġinati li jinsabu l-aktar f'riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom fi żminijiet ta' turbolenza fis-suq tax-xogħol – li l-edukazzjoni u l-impjiegi huma l-aħjar toroq 'il barra mill-faqar, u li għalhekk l-integrazzjoni tal-komunitajiet emarġinati fis-soċjetà u s-suq tax-xogħol għandha għalhekk tkun prijorità; jinnota bi tħassib li membri ta' komunitajiet emarġinati spiss ikunu esklużi mis-soċjetà u jġarrbu diskriminazzjoni u, konsegwentement, jaffaċċjaw ostakli għall-aċċess għal edukazzjoni, impjiegi, kura tas-saħħa, trasport, informazzjoni u servizzi b'mod ġenerali ta' kwalità għolja, u li dan joħloq problema kumplessa li jeħtieġ tiġi indirizzata b'mod xieraq permezz tal-użu komplementari u l-kombinazzjoni effettiva tal-FSIE u r-riżorsi nazzjonali; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jsiru sforzi speċjali fir-rigward ta' programmi eżistenti tal-UE, bħall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, l-Erasmus+ u l-Ewropa Kreattiva, bl-għan li jilħqu lil membri ta' komunitajiet emarġinati, flimkien ma' monitoraġġ regolari tas-suċċess ta' dak l-ilħuq, sabiex jinkiser iċ-ċiklu tal-faqar u l-emarġinazzjoni u tingħata spinta lill-ħiliet u l-kwalifiki professjonali tal-persuni;

39.

Jitlob li l-fondi jintużaw biex jittejbu l-kondizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa fil-komunitajiet emarġinati u jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għal edukazzjoni stabbli ta' kwalità għolja, akkomodazzjoni, kura tas-saħħa, impjieg, kura tat-tfal, servizzi soċjali, servizzi ta' appoġġ għall-vittmi u sistemi ġuridiċi;

40.

Jissottolinja l-fatt li rappreżentanti ta' komunitajiet emarġinati jeħtieġ li jkunu involuti b'mod attiv u jkunu jistgħu jipparteċipaw bħala membri sħaħ f'arranġamenti ta' monitoraġġ; jirrimarka li setgħet inkisbet esperjenzja konsiderevoli fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u transnazzjonali; jissottolinja l-ħtieġa li jinxterdu u jiġu kapitalizzati l-aħjar prattiki; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw l-aħjar prattiki eżistenti kollha, fosthom dawk innovattivi relatati mal-inklużjoni ta' individwi u gruppi emarġinati fis-soċjetà, u jvaraw attivitajiet ta' netwerking, anke fost ħaddiema soċjali, li jaħdmu maż-żgħażagħ u fil-komunità kif ukoll fost l-akkademiċi u r-riċerkaturi; jenfasizza l-ħtieġa għal pjattaforma ta' netwerks fil-livell tal-UE li tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki u s-soluzzjoni konġunta tal-problemi li tista' sservi wkoll bħala faċilità ta' tagħlim elettroniku għall-bini tal-kapaċità;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-politika ta' koeżjoni u l-komunitajiet emarġinati fid-djalogu strutturat annwali tagħha mas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-sieħba, filwaqt li jiġi żgurat li r-rappreżentanti ta' komunitajiet emarġinati jipparteċipaw u jiffaċilitaw dibattitu bbażat fuq analiżi kwantitattiva u kwalitattiva;

42.

Jirrimarka li l-għarfien dwar l-inklużjoni strutturali u sistematika mhuwiex biss mitlub min-naħa tas-soċjetà kollha kemm hi iżda huwa partikolarment essenzjali għall-ħidma ta' min jieħu d-deċiżjonijiet u l-partijiet ikkonċernati fil-livelli amministrattivi kollha u korpi pubbliċi oħra involuti; jistieden lill-partijiet ikkonċernati pubbliċi kollha u l-istituzzjonijiet ta' taħriġ iwettqu analiżi bir-reqqa tal-kawżi tad-diskriminazzjoni u l-emarġinazzjoni, u jqajmu l-kuxjenza dwar il-fatt li l-ksenofobija u r-razziżmu, u t-tipi kollha ta' emarġinazzjoni li twassal għal esklużjoni sistematika, inkluż l-anti-Żingariżmu, iridu jiġu eliminati; jistieden lill-Kummissjoni tinforza b'mod rigoruż u timmonitorja l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-diskriminazzjoni; jistieden lis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES) jipprovdu servizzi mfassla apposta ta' kwalità għolja u abbażi tal-ħtiġijiet;

43.

Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ doppju biex tingħata l-għajnuna u jiġu integrati l-gruppi emarġinati, u dan għandu jsir direttament b'rabta ma' dawk affettwati permezz tal-għoti ta' edukazzjoni, inklużi l-faċilitajiet edukattivi, it-taħriġ, il-linji gwida vokazzjonali u l-opportunitajiet ta' impjieg, u b'rabta mal-komunità lokali u l-awtoritajiet sabiex jitjiebu u/jew jinbidlu l-perċezzjonijiet tal-pubbliku billi jkun hemm aktar sensibilizzazzjoni tal-effetti tal-preġudizzju, jitjiebu s-servizzi pubbliċi u jiġu adattati sistemi soċjali;

44.

Jenfasizza li l-edukazzjoni hija dritt fundamentali minqux fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-iżgurar ta' aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità għolja għall-membri kollha tas-soċjetà huwa fundamentali biex jinkiser iċ-ċiklu tal-esklużjoni soċjali; huwa tal-fehma li l-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, ikkaratterizzata minn edukazzjoni fid-diversità, hija l-ewwel pass lejn l-inklużjoni politika, ekonomika u soċjali ġenwina ta' komunitajiet emarġinati; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu implimentati programmi, proġetti u attivitajiet ta' appoġġ għal komunitajiet emarġinati sabiex jipprovdu għal edukazzjoni ta' qabel l-iskola, tiġi enfasizzata l-ħtieġa għal edukazzjoni formali, filwaqt li jiġu offruti opportunitajiet għal forom oħra ta' edukazzjoni kif ukoll tagħlim tul il-ħajja, partikolarment fil-ħiliet vokazzjonali u fl-ICT, u biex jittejjeb l-aċċess għall-media, anke bil-ħsieb tal-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet f'komunitajiet emarġinati;

45.

Jistieden lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, jinkoraġġixxu l-użu tal-FEŻR biex jiġu appoġġati l-SMEs u l-intrapriżi soċjali li jinvolvu u jibbenefikaw il-komunitajiet emarġinati; jirrimarka dwar il-ħtieġa li jiġu appoġġati attivitajiet għal komunitajiet emarġinati sabiex tingħata għajnuna lil, u jinħolqu l-kundizzjonijiet għal, intraprenditorija mikro, biex b'hekk jitħarsu modi differenti ta' kif isir in-negozju;

46.

Jirrimarka li ħafna setturi se jgħaddu minn trasformazzjoni sinifikanti fil-futur qrib, parzjalment minħabba l-użu usa' ta' għodod u soluzzjonijiet online; jirrimarka li dan ser ipoġġi taħt pressjoni kemm lill-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet kif ukoll lil dawk b'livell medju ta' ħiliet, u dan ikollu impatt partikolari fuq membri ta' komunitajiet emarġinati, peress li bħalissa huma dawn in-nies li normalment isibu l-impjieg f'dawn is-setturi; jenfasizza l-importanza ta' taħriġ u servizzi aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd fil-qasam tat-teknoloġiji u s-setturi l-ġodda, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-opportunitajiet fis-settur diġitali u l-ekonomija ekoloġika, speċjalment għall-gruppi l-aktar żvantaġġati; jinnota l-importanza ta' negozji mikro u żgħar biex jgħinu jsostnu l-impjiegi f'żoni rurali u jistieden, għaldaqstant, li ssir enfasi akbar fuq l-iżgurar tal-aċċess għall-fondi għal dawn in-negozji;

47.

Jirrimarka dwar l-importanza tal-emanċipazzjoni tan-nisa f'komunitajiet emarġinati billi jiġu inkoraġġiti n-nisa intraprendituri u l-parteċipazzjoni tan-nisa f'dawk il-komunitajiet;

48.

Jenfasizza r-rwol importanti li jistgħu jiżvolġu fl-emanċipazzjoni ta' nisa f'komunitajiet emarġinati, l-intraprenditorija soċjali, il-kooperattivi, l-assoċjazzonijiet mutwi u n-negozju alternattiv; jirrakkomanda li l-fondi ta' koeżjoni, b'mod partikolari l-FSE, jappoġġaw l-investimenti f'dan il-qasam li għandhom perspettiva qawwija rigward il-ġeneru;

49.

Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-limitazzjonijiet tal-allokazzjoni attwali fundamentali biex jiġi determinat l-appoġġ mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni abbażi tal-PDG, billi jsir użu aħjar minn indikaturi disponibbli – bħad-data EU-SILC tal-Eurostat dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien – li kapaċi jidentifikaw żoni ta' faqar u fraġilità soċjali fit-territorju tal-Unjoni, sabiex l-appoġġ tal-UE jasal għand il-komunitajiet emarġinati b'mod aħjar;

50.

Jenfasizza li fid-dibattitu politiku tal-UE, il-komunitajiet emarġinati spiss huma sfruttati tendenzjalment għal finijiet politiċi, u li tinħtieġ analiżi dettaljata tal-esklużjoni strutturali, kemm fi ftehimiet ta' sħubija kif ukoll fil-programmi operattivi kkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida koerenti, konsistenti u ċara dwar l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-UE relatati ma' komunitajiet emarġinati, inklużi analiżijiet fil-fond, eżempji tal-aħjar prassi u rakkomandazzjonijiet ta' politika, biex jiġi żgurat li komunitajiet emarġinati jiġu inklużi fil-fondi tal-UE anke fid-dawl tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

51.

Jitlob li perspettiva tal-ġeneru u analiżi intersezzjonali jiġu inkorporati fl-inizjattivi, il-programmi, l-azzjonijiet u l-arranġamenti ta' finanzjament ta' integrazzjoni u inklużjoni soċjali ffinanzjati mill-UE, bl-għan li l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa f'komunitajiet emarġinati jkunu jistgħu jiġu indirizzati – u l-varjetà ta' lħna u perspettivi ta' nisa f'pożizzjonijiet strutturali u rwoli differenti jkunu jistgħu jinqabdu aħjar – b'mod aħjar; jemmen li valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri u bbaġittjar skont il-ġeneru huma utli fl-evalwazzjoni ta' x'impatt ikollhom fuq in-nisa l-prijoritajiet ta' finanzjament, l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u l-ispeċifikazzjonijiet għal programmi ta' finanzjament; jenfasizza l-ħtieġa li data diżaggregata skont il-ġeneru tinġabar sistematikament u tiġi analizzata regolarment;

52.

Jistieden lill-Istati Membri joffru premju għal dedikazzjoni eżemplari għall-integrazzjoni u l-inklużjoni ta' gruppi emarġinati fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE; jissuġġerixxi li tali premju għal xogħol li jispikka jista' jiġi ppreżentat lil muniċipalitajiet jew reġjuni fl-Istati Membri;

53.

Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu n-netwerking bejn il-muniċipalitajiet u l-bliet li jittrattaw l-integrazzjoni ta' gruppi emarġinati; jissuġġerixxi li l-Patt tas-Sindki dwar it-Tibdil fil-Klima jista' jservi ta' eżempju għal tali netwerk;

o

o o

54.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(3)  ĠU L 132, 29.5.2010, p. 1.

(4)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.

(5)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 62.

(6)  ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1.

(7)  ĠU L 74, 14.3.2014, p. 1.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2014)0132.

(9)  Testi adottati, P7_TA(2013)0594.

(10)  Testi adottati, P7_TA(2013)0246.

(11)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 112.

(12)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 120.

(13)  ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 60.

(14)  ĠU C 378, 24.12.2013, p. 1.

(15)  ĠU C 114, 15.4.2014, p. 73.

(16)  


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/42


P8_TA(2015)0403

Ir-rwol tal-UE fin-NU – kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar ir-rwol tal-UE fin-NU – kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija (2015/2104(INI))

(2017/C 366/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-UE u n-NU, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar id-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (1) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar “l-UE bħala attur globali: ir-rwol tagħha fl-ambitu tal-organizzazzjonijiet multilaterali” (2),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-70 Assemblea Ġenerali tan-NU,

wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti (3), li tagħti d-dritt lill-UE tintervjeni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, tippreżenta proposti u emendi orali li jitressqu għall-votazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, u teżerċita d-dritt ta' replika,

wara li kkunsidra l-ewwel dikjarazzjoni tax-xorta tagħha tal-14 ta' Frar 2014, mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar ir-rwol li l-UE kellha fiż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali (4),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Konferenza Dinija ta' Durban tal-2001 kontra r-Razziżmu, id-Diskriminazzjoni Razzjali, il-Ksenofobija u l-Intolleranza Relatata,

wara li kkunsidra l-istudju ppublikat f'Marzu 2015 mid-Direttorat Ġenerali tal-Parlament Ewropew għall-Politiki Esterni tal-Unjoni, “Reforming the United Nations: Sate of Play, Ways Forward” (Ir-Riforma tan-Nazzjonijiet Uniti:is-sitwazzjoni attwali, kif nistgħu nimxu 'l quddiem),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0308/2015),

L-objettivi tal-UE u l-punti globali fejn l-UE hija b'saħħitha

A.

billi l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea huwa marbut mal-paċi, mas-sigurtà u mal-iżvilupp globali, kif ukoll mad-drittijiet tal-bniedem; billi l-isfidi li qiegħda tiffaċċja l-UE jeħtieġu soluzzjonijiet globali, u l-kwistjonijiet globali jeħtieġu azzjoni Ewropea;

B.

billi l-prinċipji u l-objettivi tal-politika esterna tal-UE huma minquxa fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u huma interkonnessi mill-qrib ma' dawk tan-NU; billi l-Artikolu 21 tat-TUE jappella b'mod espliċitu għar-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-NU u tad-dritt internazzjonali;

C.

billi l-UE għandha potenzjal uniku li timmobilizza r-riżorsi mal-firxa kollha tal-istrumenti diplomatiċi, tas-siġurtà, tad-difiża, dawk ekonomiċi u umanitarji, f'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU; billi l-użu ta' dawn l-istrumenti abbażi ta' approċċ komprensiv jippermetti l-UE flessibbiltà unika hija u tindirizza b'mod effikaċi l-objettivi tas-sigurtà li huma l-aktar ta' sfida;

D.

billi l-UE tipparteċipa b'mod attiv, taħt l-awspiċi tan-NU, fil-promozzjoni tal-paċi, tas-sigurtà u tal-progress, permezz tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK);

E.

billi l-UE tissalvagwarda l-valuri, l-interessi fundamentali, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tagħha u taġixxi għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, f'konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-NU u tal-Att Finali ta' Helsinki tal-1975, u mal-għanijiet tal-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida, adottata fl-1990; billi l-UE hija parti mis-sistema ta' sigurtà kollettiva tan-NU, ukoll bħala wieħed mill-arranġamenti reġjonali previsti skont il-Kapitolu VIII tal-Karta tan-NU;

F.

billi l-UE trawwem il-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp, bl-għanijiet primarji li jinqered il-faqar, jiġu promossi l-paċi u l-istabbiltà fit-tul u miġġielda l-inugwaljanzi soċjali, u billi tagħti għajnuna umanitarja lill-popolazzjonijiet, lill-pajjiżi u lir-reġjuni kkonfrontati b'kull tip ta' kriżijiet, naturali jew provokati mill-bniedem;

G.

billi l-UE hija attur ewlieni fl-oqsma ta' politika differenti u interkonnessi: il-kummerċ, l-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja, l-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem;

H.

billi l-UE taħdem għas-sostenibbiltà ambjentali billi tippromwovi miżuri u azzjonijiet internazzjonali għall-preservazzjoni u għat-titjib tal-kwalità tal-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;

I.

billi l-UE tiżvolġi wkoll rwol ewlieni fil-politiki ambjentali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, mhux biss billi tadotta pożizzjoni avangardista u tistabbilixxi hija stess miri ambizzjużi, iżda wkoll billi fin-negozjati globali tiddefendi bla heda arranġamenti vinkolanti u azzjonijiet konkreti u li jistgħu jitkejlu;

J.

billi l-UE ssaħħaħ il-pedament tas-sostenibbiltà soċjali u governanza tajba, billi tikkonsolida, tappoġġa u tippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali;

K.

billi, skont it-Trattati tagħha, l-UE tippromwovi sistema internazzjonali bbażata fuq kooperazzjoni multilaterali aktar b'saħħitha u governanza globali tajba, u hija impenjata għal multilateraliżmu effikaċi bin-NU fil-qalba tiegħu; billi dan l-impenn għandu l-għeruq tiegħu fil-konvinzjoni li, biex tkun kapaċi twieġeb b'suċċess għall-kriżijiet, l-isfidi u t-theddidiet globali, il-komunità internazzjonali teħtieġ sistema multilaterali effiċjenti, mibnija fuq drittijiet u valuri universali;

L.

billi l-enfasi prinċipali tal-politika esterna tal-UE hija fuq ir-relazzjonijiet bilaterali, il-kooperazzjoni u s-sħubijiet ma' pajjiżi, gruppi ta' pajjiżi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali oħra madwar id-dinja kollha; billi matul l-aħħar għexieren ta' snin ingħatat attenzjoni speċjali lill-objettivi ġeopolitiċi u lit-tħassib fil-viċinat tal-UE tal-Lvant u tan-Nofsinhar; billi l-UE għandha relazzjonijiet speċjali mal-pajjiżi Afrikani, u fl-azzjonijiet tagħha tagħti attenzjoni partikolari lill-isfidi li huma jaffaċċaw;

M.

billi, f'kuntest ta' interdipendenza globali dejjem tiżdied, l-UE jeħtiġilha ssaħħaħ ir-rwol tagħha kemm fir-relazzjonijiet bilaterali kif ukoll fil-fora multilaterali;

N.

billi l-UE hija involuta, u għandha rwol importanti, fin-negozjati u medjazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari l-każijiet tal-E3/EU3+3 u n-negozjati mal-Iran u tal-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani;

O.

billi, bħala l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja, l-UE għandha rwol b'saħħtu f'arranġamenti kummerċjali bilaterali u multilaterali, u żviluppat miżuri attivi ta' politika kummerċjali għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku, it-tnaqqis tal-faqar u l-ħarsien tal-ambjent u tar-riżorsi naturali;

P.

billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-ikbar kontributuri finanzjarji għall-baġit ġenerali tan-NU, kif ukoll għall-għajnuna umanitarja tagħha, għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) u għall-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi; billi l-politiki tal-UE tal-iżvilupp huma ta' importanza kbira minħabba li jippromwovu b'mod attiv it-tnaqqis tal-faqar u s-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali, b'hekk isaħħu l-paċi u s-sigurtà; billi l-UE hija firmatarja ta' aktar minn 50 ftehim u konvenzjoni multilaterali tan-NU, bħala l-unika parteċipant li mhuwiex Stat;

Q.

billi l-UE hija waħda mill-aktar difensuri u promoturi dedikati tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tal-valuri u d-diversità kulturali, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; billi dispożizzjonijiet fir-rigward ta' dawk il-prinċipji huma inklużi fis-sħubijiet bilaterali kollha tagħha u għandhom pożizzjoni ċentrali fil-politika multilaterali tagħha; billi l-UE minn dejjem kienet tappoġġa b'mod qawwi l-ġustizzja internazzjonali;

R.

billi l-UE għandha rwol importanti fl-appoġġ għall-operazzjonijiet tan-NU fl-oqsma ta' tħassib reċiproku, b'mod partikolari l-protezzjoni ta' persuni ċivili u speċjalment in-nisa u t-tfal affettwati mill-kunflitti armati;

S.

billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valur bażiku tal-UE li huwa rikonoxxut fit-Tratti u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tagħha; billi l-UE assumiet ir-responsabbiltà għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet u fl-oqsma ta' politika kollha tagħha, inkluż fil-politiki esterni u ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;

T.

billi l-bnedmin għandhom valuri u interessi komuni; billi għandu jkun hemm qsim ġust tal-piż u tal-benefiċċji meta jiġu solvuti problemi komuni u meta jiġu promossi objettivi u valuri komuni;

Is-Sistema tan-Nazzjonijiet Uniti

U.

billi s-sistema tan-NU hija l-forum globali ewlieni għat-titjib tal-governanza globali, u għalhekk tirrappreżenta l-aqwa forum fejn jiġu promossi l-valuri u l-interessi tal-UE;

V.

billi l-objettiv ewlieni wara t-Tieni Gwerra Dinjija kien iż-żamma tal-paċi u s-sigurtà; billi l-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem kellha post ċentrali fil-Karta; billi t-tħassib ambjentali kien fuq l-aġenda tan-NU sa mill-bidu tas-snin sebgħin; billi fl-1987, ir-rapport Brundtland “Il-Futur Komuni Tagħna” ddefinixxa l-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli bħala żvilupp li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-preżent mingħajr ma jikkomprometti l-kapaċità tal-ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom stess; billi fil-Konferenza ta' Rio (UNCED) fl-1992, il-politiki tal-iżvilupp u tal-ambjent ġew amalgamati f'taħlita ta' miżuri effikaċi għat-tnaqqis tal-faqar u għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja kollha;

W.

billi s-sistema tan-NU tkopri l-oqsma kollha ta' kooperazzjoni, u billi fil-qalba tagħha għandha l-Kunsill tas-Sigurtà li huwa primarjament responsabbli għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, megħjun f'dan ir-rigward minn korpi sussidjarji u konsultattivi;

X.

billi s-Sistema tan-NU hija magħmula minn 19-il aġenzija speċjalizzata, fosthom il-FAO, l-IFAD, l-ILO, l-FMI, il-UNESCO, il-UNIDO, id-WHO u l-Grupp tal-Bank Dinji, flimkien ma' 11-il fond u programm, fosthom il-UNCTAD, il-UNDP, il-UNEP, il-UNFPA, il-UNHCR, il-UNICEF, il-UN Women u d-WFP (5), kif ukoll 9 kummissjonijiet funzjonali, 5 kummissjonijiet reġjonali u għadd ta' korpi oħra tal-istess tip; billi organizzazzjonijiet bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) huma marbutin ukoll mas-Sistema tan-NU;

Y.

billi l-biċċa l-kbira ta' dawn l-aġenziji, fondi, programmi, kummissjonijiet u kumitati jaħdmu taħt l-awspiċi tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali u tal-Assemblea Ġenerali, li huma responsabbli għal xi wħud minnhom;

Z.

billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jiżvolġu rwol kruċjali fil-promozzjoni tal-prinċipji u l-objettivi tan-NU u fis-soluzzjoni tal-problemi komuni tal-umanità; billi, mill-banda l-oħra, l-Ewropa teħtieġ sħab globali biex issolvi l-problemi tagħha stess f'oqsma bħas-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent, id-drittijiet tal-bniedem, il-migrazzjoni, is-salvagwardja tad-dritt għall-asil, u tal-instabbiltà finanzjarji;

AA.

billi l-UE għandha responsabbiltà speċjali fiż-żamma tal-paċi, fl-iżvilupp u fid-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-viċinat tagħha;

AB.

billi huwa fundamentali li l-azzjonijiet meħuda fi ħdan il-qafas tan-NU jirrispettaw id-dritt internazzjonali; billi d-delitti mwettqa taħt mandat tan-NU huma ta' dannu kbir ħafna għall-kredibbiltà tal-organizzazzjoni u m'għandhomx igawdu minn impunità;

AC.

billi l-pajjiżi huma maqsuma f'żoni ġeografiċi, u dan ħafna drabi jwassal lill-pajjiżi biex jivvutaw b'mod kollettiv; billi l-Istati li huma membri tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) ħafna drabi huma stess jiksru d-drittijiet tal-bniedem b'mod sistematiku, b'hekk jimminaw l-effikaċja u l-kredibbiltà tal-UNHRC b'mod ġenerali;

AD.

billi l-profitti mill-attivitajiet ta' sakkeġġ u ta' kuntrabandu fir-rigward ta' siti u oġġetti kulturali u reliġjużi fl-Iraq u s-Sirja min-naħa tal-ISIS/Da'esh qegħdin jintużaw biex jgħinu l-finanzjament tal-attivitajiet terroristiċi tal-ISIS/Da'esh; billi l-UNESCO u l-Konvenzjoni tagħha dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali għandhom rwol ċentrali biex tiġi żgurata protezzjoni ta' emerġenza tal-wirt kulturali Sirjan u Iraqi;

AE.

billi l-UE u n-NU jieħdu sehem f'kooperazzjoni mill-qrib f'xenarji ta' kriżijiet l-aktar delikati, b'mod partikolari fil-Lvant Nofsani u fit-Tramuntana tal-Afrika; billi l-isforzi tagħhom għandhom jissaħħu aktar bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet politiċi paċifiċi għal dawn il-kriżijiet;

AF.

billi d-diskussjoni u d-deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Forum ta' Governanza tal-Internet (IGF) huma skedati għall-2015 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU; billi l-Parlament appella lill-Assemblea biex iġġedded il-mandat tal-IGF u ssaħħaħ kemm ir-riżorsi tiegħu kif ukoll il-mudell ta' partijiet ikkonċernati multipli tal-governaza tal-internet;

L-UE fi ħdan is-sistema tan-NU

1.

Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkondividu valuri u prinċipji tal-Karta tan-NU kif iddikjarat fl-Artikolu 21(1) tat-TUE u għandhom rwol kruċjali fil-promozzjoni ta' dawn il-prinċipji kif ukoll tal-objettivi tan-NU, permezz tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; iqis li l-UE teħtieġ is-sħab globali jekk hija trid tikseb b'suċċess l-objettivi tal-politika barranija tagħha, b'mod partikolari fl-oqsma tal-paċi u s-sigurtà, tat-terroriżmu, tal-kriminalità organizzata, tal-kunflitti reġjonali, tal-fallimenti tal-Istati u tat-tixrid tal-armi ta' qerda massiva;

2.

Iqis li l-ambjent ta' sigurtà tal-UE qiegħed isir dejjem aktar instabbli u volatili minħabba għadd kbir ta' sfidi ta' sigurtà fuq żmien twil jew emerġenti; iqis li l-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna, il-kunflitti fis-Sirja u l-Iraq u l-qawmien tal-organizzazzjoni terroristika ISIS, il-kriżi Libjana u t-theddida terroristika fl-Afrika (b'mod partikolari fis-Saħel, il-Libja u l-Qarn tal-Afrika) huma theddid globali serju li jeħtieġ reazzjonijiet globali; iqis li l-UE ma tistax tindirizza dan it-theddid waħedha iżda teħtieġ l-appoġġ tas-sħab internazzjonali;

3.

Jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom sehem attiv u jikkontribwixxu għall-ħidma tas-sistema tan-NU b'modi u strutturi differenti, li għandhom ikunu aktar viżibbli;

4.

Jilqa' wkoll il-kontribut ewlieni tal-UE għall-għajnuna għall-iżvilupp u umanitarja madwar id-dinja; ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien huma l-akbar kontributuri tal-għajnuna għall-iżvilupp u umanitarja fid-dinja;

5.

Ifakkar li l-UE saret attur internazzjonali reali u għaldaqstant għandha status ta' “osservatur privileġġat” fin-NU, bid-dritt li tipparteċipa fid-dibattiti waqt il-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU flimkien ma' rappreżentanti ta' gruppi maġġuri u Stati individwali, bid-dritt li tressaq proposti u emendi, bid-dritt ta' replika, u bid-dritt li tqajjem punti ta' ordni u tiċċirkola dokumenti;

6.

Ifakkar, barra minn hekk, li l-UE hija rrappreżentata minn bosta atturi fi ħdan in-NU: il-President tal-Kunsill Ewropew, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-Kummissjoni Ewropea u d-delegazzjonijiet tal-UE, kif ukoll mit-28 Stat Membru tagħha, li tnejn minnhom (Franza u r-Renju Unit) huma membri permanenti bid-dritt tal-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC); jinsisti fuq il-fatt li skont it-Trattat, l-Istati Membri tal-UE għandhom l-obbligu li jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fil-fora internazzjonali kollha;

Kif l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija jistgħu jinkisbu aħjar fi ħdan in-NU

7.

Jinsab konvint li, sabiex tilħaq b'mod aħjar l-objettivi tagħha tal-politika barranija, kif minquxa fit-Trattat, l-UE għandha tfittex li ssaħħaħ il-governanza globali fi ħdan is-sistema tan-NU u żżid l-influwenza tagħha u tal-Istati Membri tagħha f'dik is-sistema; ifakkar l-impenji tal-UE li tappoġġa b'mod attiv riforma komprensiva tas-sistema tan-NU sabiex tissaħħaħ il-leġittimità, ir-rappreżentanza reġjonali, u t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-effikaċja tagħha meta twieġeb għall-isfidi kumplessi u pluridimensjonali tal-lum il-ġurnata; jenfasizza b'mod partikolari l-importanza li tingħata spinta lill-ħidma tal-Assemblea Ġenerali;

8.

Jenfasizza li, fi ħdan l-Assemblea Ġenerali, l-UE għandu jkollha rwol imsaħħaħ li jimplika biżżejjed viżibbiltà u influwenza fuq il-politika, li jippermettulha tesegwixxi b'mod aħjar l-obbligi internazzjonali, f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali msemmija hawn fuq, tat-3 ta' Mejju 2011;

9.

Itenni l-appoġġ tiegħu għar-rwol tal-parlamenti u l-assemblej reġjonali fis-sistema tan-NU;

10.

Jistieden lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà jirrieżaminaw u jirrevedu, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Assemblea Ġenerali, il-proċess mhux trasparenti tal-għażla tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, u jiżguraw opportunitajiet ekwi bejn il-kandidati rġiel u nisa għal din il-kariga; jistieden lill-korpi kollha tan-NU, b'mod partikolari lill-Kunsill tas-Sigurtà, jagħtu attenzjoni xierqa lill-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fi ħdan in-NU, u lill-Istati Membri tal-UE biex ikunu minn ta' quddiem f'dan l-isforz billi jinkoraġġixxu u jippromwovu kandidati femminili; jesprimi x-xewqa tiegħu li tiġi eletta mara bħala s-Segretarju Ġenerali tan-NU li jmiss; jistieden lill-UE tappoġġa lill-UN Women meta tqis id-diskriminazzjoni abbażi tal-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru;

11.

Jenfasizza l-prijoritajiet attwali tal-UE stabbiliti għas-70 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, li jtennu t-talba, li l-Unjoni ilha tisħaq fuqha, li n-NU għandha tissemplifika l-istrutturi, il-baġit u l-metodi ta' ħidma tagħha, mingħajr ma żżomm lura milli tindirizza kwistjonijiet diffiċli bħar-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà;

12.

Jenfasizza li l-Assemblea Ġenerali, li tirrappreżenta lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri kollha, għandu jkollha l-mezzi meħtieġa biex tagħti direzzjoni lis-sistema tan-NU u tikkoordina l-attivitajiet kollha tagħha;

13.

Jinsab konvint li l-Kunsill tas-Sigurtà għandu jiġi riformat sabiex jirrifletti b'mod aħjar ir-realtà l-ġdida tad-dinja u biex jilħaq b'mod aktar effikaċi l-isfidi attwali u futuri fil-qasam tas-sigurtà; jinkoraġġixxi lill-pajjiżi li għandhom id-dritt tal-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jżommu lura milli jużaw il-veto f'sitwazzjonijiet ta' ġenoċidju u delitti kontra l-umanità;

14.

Ifakkar, filwaqt li jqis il-kontribut tal-UE għall-artikettitura għall-paċi u s-sigurtà fid-dinja u l-objettiv tat-Trattat ta' Lisbona li tissaħħaħ il-politika barranija Ewropea, l-objettiv fuq terminu twil tal-UE li jkollha siġġu f'Kunsill tas-Sigurtà estiż, u jtenni l-appell tiegħu għal dibattitu madwar l-Ewropa dwar ir-riforma tiegħu; itenni l-istedina tiegħu lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) biex tfittex pożizzjonijiet komuni tal-UE dwar kwistjonijiet fir-rigward tal-kompetenza tal-Kunsill tas-Sigurtà, u ttejjeb il-mekkaniżmi eżistenti ta' kooperazzjoni bl-għan li tiżgura li l-Istati Membri tal-UE li huma membri tal-Kunsill tas-Sigurtà jiddefendu pożizzjonijiet komuni tal-UE f'dak il-forum; ifakkar li, skont l-Artikolu 34 tat-TUE, l-Istati Membri tal-UE li huma membri tal-UNSC għandhom iżommu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Rappreżentant Għoli għal kollox informati, u jiddefendu l-pożizzjonijiet u l-interessi tal-UE; ifakkar ukoll li fejn l-UE għandha pożizzjoni ċara dwar kwistjoni fuq l-aġenda tal-UNSC, dawk l-Istati għandhom jitolbu li r-Rappreżentant Għoli tkun mistiedna tippreżenta l-pożizzjoni tal-Unjoni;

15.

Ifakkar li l-Kapitolu VIII tal-Karta tan-NU jipprevedi rwol imsaħħaħ għall-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali fi ħdan in-NU, u jistieden lill-UE u lill-OSKE jimmiraw li l-organizzazzjonijiet reġjonali tagħhom u organizzazzjonijiet oħra jkollhom involviment akbar fil-governanza globali;

16.

Iqis li, permezz ta' aktar kooperazzjoni man-NU, l-UE għandha tieħu vantaġġ akbar minn sħubijiet mal-aġenziji speċjalizzati, mal-fondi, mal-programmi, mal-kummissjonijiet u mal-kumitati tan-NU; jappella għal tisħiħ tal-koordinament tal-UE fil-bordijijet ta' dawn il-korpi sabiex jiġi żgurat li l-UE titkellem b'vuċi waħda;

17.

Jenfasizza li, minbarra dawn ir-riformi meħtieġa li għandhom jitwettqu fi ħdan in-NU, it-titjib fl-ilħiq tal-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija, inkluż il-promozzjoni tal-valuri fundamentali, jippresupponi koordinament aktar effikaċi tad-diversi dimensjonijiet tal-politika esterna kollha tagħha, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali; itenni l-appell tiegħu għal viżibbiltà aktar b'saħħitha tal-azzjoni u l-għajnuna tal-UE fil-fora multilaterali kollha u fuq il-post;

18.

Jistieden lill-UE tikkoordina b'mod aktar effikaċi l-ħidma tagħha fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, pereżempju permezz tad-DĠ ECHO, flimkien mal-aġenziji rispettivi tan-NU, sabiex toħloq effiċjenzja ottima b'riżorsi limitati u tevita it-trikkib li mhuwiex meħtieġ;

19.

Jistieden lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE u tan-NU jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ il-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FAFA); jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-FAFA u l-linji gwida relatati, u tidentifika l-oqsma li jeħtieġu titjib u tressaq proposti rilevanti f'dan ir-rigward;

20.

Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-UNDP dwar l-effikaċja tal-għajnuna; jissottolinja l-impenn tas-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effikaċi għall-Iżvilupp u jinkoraġġixxi lill-Istati kollha kif ukoll lill-atturi tas-settur privat jimpenjaw ruħhom għaliha;

21.

Jemmen li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkontribwiet b'suċċess għall-progress li l-Ewropa għamlet fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u b'hekk tista' sservi bħala eżempju għal reġjuni oħra;

22.

Jappella għal titjib tal-għodod ta' prevenzjoni u ta' twissija bikrija u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' medjazzjoni tan-NU, b'mandati koerenti u li jistgħu jintlaħqu għall-operazzjonijiet tal-bini tal-paċi u taż-żamma tal-paċi li jinkludu komponent dwar id-drittijiet tal-bniedem u strateġiji ta' ħruġ ċari; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE jagħtu appoġġ aktar sostanzjali għall-operazzjonijiet tal-bini tal-paċi u taż-żamma tal-paċi u jistieden lill-UE ssaħħaħ l-isforzi ta' medjazzjoni tagħha fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti; iqis l-atroċitajiet u l-ksur tad-drittijiet tal-bnidem reċenti mwettqa minn xi gruppi estremisti u terroristi, kif ukoll il-vjolenza sesswali fil-kunflitti li għaddejja, inkluż l-istupru bħala arma ta' gwerra; iħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà, f'konformità mad-duttrina “Responsabbiltà ta' Protezzjoni”, biex jiddefenixxi sett ambizzjuż ta' għodod u mezzi sabiex jiżgura l-prevenzjoni effikaċi ta' dawn l-atroċitajiet u r-rispett tal-istat tad-dritt u tad-dritt umanitarju internazzjonali, u jġiegħel lill-Istati Membri tan-NU jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin u jrażżnu r-reklutaġġ u l-finanzjament tal-gruppi terroristiċi permezz tal-prevenzjoni u s-soppressjoni tar-reklutaġġ, l-organizzazzjoni, it-trasport u l-forniment ta' ġellieda barranin u l-finanzjament tal-ivvjaġġar u l-attivitajiet tagħhom;

23.

Jistieden lill-UE tappoġġa t-tisħiħ tal-koerenza, tas-sinerġiji u tal-komplementarjetajiet bejn ir-reviżjonijiet tal-operazzjonijiet ta' paċi, tal-arkitettura tan-NU tal-bini tal-paċi u tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà; jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni ugwali u sħiħa tan-nisa bħala aġenti attivi fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti, fin-negozjati għall-paċi, il-bini tal-paċi, iż-żamma tal-paċi, ir-rispons umanitarju u r-rikostruzzjoni ta' wara konflitt; jilqa', f'dan il-kuntest, il-fatt li l-Kummissjoni rrevediet il-politika tagħha dwar l-għajnuna umanitarja, li issa tiddikjara li d-dritt umanitarju internazzjonali u/jew il-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem jistgħu jiġġustifikaw abort sikur lil nisa vittmi ta' stupru waqt gwerra;

24.

Jinkoraġġixxi lill-UE tippromwovi definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' sigurtà umana, filwaqt li torbot dan aktar mill-qrib mad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp tal-bniedem;

25.

Jinsab konvint li l-UE għandha turi appoġġ b'saħħtu u impenjat lill-Qorti Kriminali Internazzjoni, b'mod partikolari billi ssaħħaħ u tkabbar ir-relazzjoni tagħha man-NU, speċjalment mal-Kunsill tas-Sigurtà, u billi tiżgura ratifikazzjoni ta' malajr mill-Istati Membri tal-UE tal-emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma li jiddefenixxu d-delitt ta' aggressjoni; ifakkar li l-Istati nnifishom għandhom ir-responsabbiltà primarja li jressqu lill-offensuri quddiem il-ġustizzja, u jappoġġa li l-QKI teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha meta l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jew ma jixtiequx jipproċedu ġenwinament kontra l-aktar reati ta' tħassib serji għall-komunità internazzjonali;

26.

Jappoġġa t-tisħiħ tal-koperazzjoni operattiva bejn l-UE u n-NU fl-immaniġġar ta' kriżijiet, kif ukoll billi l-UE taħdem flimkien man-NU kemm fir-rigward tal-kondiviżjoni ta' analiżi (sabiex tintlaħaq analiżi konġunta) kif ukoll fl-ippjanar ta' operazzjonijiet ta' paċi u sigurtà (sabiex jiġu ffaċilitati l-aspetti operattivi);

27.

Iqis li għandu jsir aktar biex jiġi żgurat li l-Istati Membri tan-NU jonoraw il-wegħdiet tagħhom li jagħtu għajnuna umanitarja billi jiġu ppublikati fuq bażi regolari ħarsiet ġenerali fir-rigward tal-konformità mal-obbligi;

28.

Jilqa' l-impenn tal-UE għal responsabbiltà u trasparenza akbar fil-kummerċ tal-armi, u jappoġġa l-promozzjoni tal-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-eżitu tal-Ewwel Konferenza tal-Istati Partijiet; jitlob lill-UE tkompli tippromwovi t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), bħala l-pedament tar-reġim globali ta' nonproliferazzjoni nukleari, u b'hekk il-bażi essenzjali biex jinkiseb id-diżarm skont l-Artikolu VI tal-imsemmi Trattat; jitlob ukoll lill-UE biex b'mod attiv tieħu passi lejn id-diżarm globali;

29.

Jissottolinja l-importanza li l-UE tkompli tippromwovi b'mod attiv l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni; jilqa' l-ewwel laqgħa tax-xorta tagħha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI, li saret fl-24 ta' Awwissu 2015, li kkundannat l-attakki u l-qtil mill-ISIS tal-persuni LGBTI fil-Lvant Nofsani; jinkoraġġixxi lill-Kunsill tas-Sigurtà jqis ulterjorment il-ksur tad-drittijiet tal-persuni LGBTI;

30.

Ifakkar il-pożizzjoni tal-UE ta' tolleranza żero għall-piena tal-mewt; jissottolinja l-importanza li l-UE tkompli tavvanza l-moratorju dwar il-piena tal-mewt;

31.

Jinsab konvint li d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali u tal-iżvilupp tas-sistema tan-NU għandhom jissaħħu b'mod sostanzjali billi jiġi żgurat li l-korpi tan-NU jieħdu approċċ aktar politiku u jtejbu l-kooperazzjoni bejniethom, u billi jiġi żgurat użu aktar effikaċi u trasparenti tar-riżorsi disponibbli; jemmen li l-ewwel nett dan għandu jintlaħaq permezz ta' riforma strutturali u funzjonali tal-organu prinċipali responsabbli għal dan l-inkarigu skont il-Karta tan-NU, jiġifieri l-Kunsill Ekonomiku u Soċjali; jistieden lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE jqisu l-possibbiltà li jsaħħu r-rwol tagħhom fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali billi dan jiġi żviluppat f'Kunsill għall-Iżvilupp Sostenibbli;

32.

Jilqa' l-ħolqien ta' Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li għandu r-rwol li jagħti tmexxija politika, gwida u rakkomandazzjonijiet dwar il-politika tal-iżvilupp fir-rigward tat-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli (dak soċjali, ekonomiku u ambjentali); jinsab konvint li l-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli għandu jkun il-korp deċiżjonali ewlieni għall-politika kollha tal-iżvilupp, b'hekk tiġi żgurata valutazzjoni koordinata u effiċjenti tal-ħtiġijiet, u adozzjoni ta' pjanijiet direzzjonali, deċiżjonijiet u miżuri vinkolati meħtieġa fir-rigward tal-qafas tal-iżvilupp sostenibbli ta' wara l-2015; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati b'mod effikaċi l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli adottati fis-Summit tan-NU f'Settembru 2015;

33.

Jinsab konvint, fid-dawl tal-kriżijiet umanitarji rikorrenti marbuta mar-refuġjati u l-migranti li qegħdin jikkawżaw ħafna tbatija umana, u filwaqt li jqis li, l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi ta' oriġini jista' fl-aħħar mill-aħħar jagħti soluzzjoni għall-kriżi umanitarja, li għandha tiġi koordinata l-ħidma tal-aġenziji kollha relatati ma' dan it-tħassib;

34.

Huwa tal-fehma li l-isfidi ppreżentati mill-kriżi umanitarja marbuta mar-refuġjati huma kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu mmanniġġjati b'mod komprensiv, fi spirtu ta' solidarjetà fi ħdan l-UE u b'kooperazzjoni mill-qrib man-NU u l-aġenziji tagħha;

35.

Jistieden lill-UE u lin-NU jżidu l-isforzi konġunti tagħhom bl-għan li jintlaħaq ftehim ambizzjuż u ġuridikament vinkolanti fil-Konferenza tan-NU tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Pariġi, u biex jiżguraw li jkun hemm l-implimentazzjoni ta' malajr tal-COP21;

36.

Huwa tal-fehma li l-ħidma tal-Grupp tal-Bank Dinji, tal-Fond Monetarju Internazzjoni u tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ukoll tista' tkun koordinata bħala parti mis-sistema tan-NU, filwaqt li jinżammu l-istrutturi deċiżjonali attwali tagħhom, sabiex jiġi żgurat li jittieħdu d-deċiżjonijiet rispettivi u jitwettqu l-azzjonijet tagħhom b'mod responsabbli, effiċjenti, koerenti u effikaċi;

37.

Jappoġġa l-objettiv li, fil-livell multilaterali, jiġi stabbilit reġim ta' protezzjoni tal-investiment, b'sistema ġdida fejn il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali tkun rispettata, u jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora dan l-objettiv fl-aġenda ta' negozjar tagħha waqt l-abbozzar tal-ftehimiet dwar l-investiment; huwa tal-fehma li, fl-eventwalità li tinħoloq qorti internazzjonali permanenti għas-soluzzjoni ta' tilwim dwar l-investiment, din tista' tiddaħħal fis-sistema tan-NU, u għandha tkun ibbażata fuq id-drittijiet u l-obbligi ta' dawk li huma suġġetti għall-qorti, b'enfasi fuq il-prinċipji tal-OECD għall-impriżi multinazzjonali u l-prinċipji tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; iqis li s-sistema tan-NU toffri mudelli utli għal tali sistema, b'mod partikolari rigward kwistjonijiet ta' finanzjament;

38.

Iqis li huwa meħtieġ li ċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp tad-WTO jasal għal konklużjoni, u jemmen li n-NU tista' tuża l-pożizzjoni unika tagħha sabiex tiżgura li tali diskussjonijiet jkunu ta' suċċess għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jemmen li, f'dan ir-rigward, in-NU għandha taħdem flimkien mad-WTO, kif ukoll tagħti pariri u gwida lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, sabiex tippromwovi strateġija għall-kummerċ u l-investiment bl-involviment tal-UE bħala attur ewlieni;

39.

Jinsab konxju tal-ħtieġa li jissaħħu u jiġu implimentati l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-UE tikkontribwixxi biex ix-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Korporazzjonijiet Transnazzjonali jkollu eżitu ta' suċċess.

40.

Jemmen li n-NU għandha saħħaħ il-materji kollha relatati mal-benessri tal-bniedem; huwa tal-fehma li dawn jinkludu s-sostenibbiltà kulturali u l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjoni kulturali, billi l-edukazzjoni, it-turiżmu, id-diplomazija kulturali, il-protezzjoni tal-wirt, is-settur kreattiv u r-riċerka xjentifika jiġu integrati fl-approċċ tat-tfassil tal-politika;

41.

Jirrakkomanda li tiġi żgurata l-kooperazzjoni għall-edukazzjoni bejn l-UE u n-NU fi programmi ta' emerġenzi f'każ ta' kriżijiet umanitarji, kunflitti armati u diżastri naturali, billi jibqgħu jiġu appoġġati programmi bħal Edukazzjoni f'Emerġenzi u Tranżizzjoni Wara Kriżi tal-UNICEF, programm ta' edukazzjoni ta' kwalità fil-kampijiet tar-refuġjati tal-UNHCR u x-xogħol edukattiv tal-UNRWA;

42.

Jilqa' l-organizzazzjoni fi gruppi tal-ħidma tal-Kummissjoni li ġiet maħtura fl-2014, li tagħti lill-VP/RGħ ir-responsabbiltà msaħħa li tikkoordina l-politika esterna tal-UE, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijet l-oħra tal-UE; jenfasizza li l-politiki ta' dimensjoni globali jridu jkunu fil-qalba tal-ħidma ta' dan il-grupp speċifiku;

43.

Jistieden lill-VP/RGħ tinkludi fir-rapport annwali tagħha dwar il-PESK taqsima komprensiva dwar il-promozzjoni tal-objettivi globali tal-politika barranija tal-UE;

44.

Huwa tal-fehma li l-Parlament jeħtieġ li jkun f'pożizzjoni li jindirizza l-isfidi globali bl-istess mod komprensiv u globali bħall-Kummissjoni, u li jorganizza l-ħidma tiegħu b'mod li jirrifletti dan; jinkoraġġixxi lill-kumitati kollha tal-Parlament li l-kompetenza tagħhom tkopri politiki li għandhom dimensjoni estera u globali biex iressqu l-opinjonijiet tagħhom dwar it-taqsima rilevanti tar-rapport tal-VP/RGħ lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, li huwa responsabbli għal dan ir-rapport;

o

o o

45.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2014)0259.

(2)  ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 66.

(3)  A/RES/65/276 tat-3 ta' Mejju 2011 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti.

(4)  S/PRST/2014/4 tal-14 ta' Frar 2014 – dikjarazzjoni mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-kooperazzjoni bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijet reġjonali u subreġjonali fiż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali

(5)  FAO: Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti; IFAD: Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu; ILO: Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol; FMI: Fond Monetarju Internazzjonali; UNESCO: Organizzazzjoni tan-NU għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura; UNIDO: Organizzazzjoni tan-NU għall-Iżvilupp Industrijali; WHO: Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; UNCTAD: Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp; UNDP: Programm ta' Żvilupp tan-NU; UNEP: Programm tan-NU għall-Ambjent; UNFPA: Fond tan-NU għall-Popolazzjoni; UNHCR: Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati; UNICEF: Fond tan-NU għat-Tfal; WFP: Programm Dinji tal-Ikel.


L-Erbgħa 25 ta’ Novembru 2015

27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/51


P8_TA(2015)0408

Deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (2015/2066(INI))

(2017/C 366/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 107, 108, 113, 115, 116, 175 u 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili, is-setgħat, is-saħħa numerika u l-mandat tiegħu (1),

wara li kkunsidra r-rivelazzjonijiet tal-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u prattiki dannużi oħra fil-Lussemburgu, li saru magħrufa bħala “Luxleaks”,

wara li kkunsidra l-eżitu tas-Summits tal-G7, il-G8 u l-G20 dwar kwistjonijiet internazzjonali fil-qasam tat-taxxa, b'mod partikolari s-Summit ta' Elmau tas-7-8 ta' Ġunju 2015, is-Summit ta' Brisbane tal-15-16 ta' Novembru 2014, is-Summit ta' San Pietruburgu tal-5-6 ta' Settembru 2013, is-Summit ta' Lough Erne tas-17-18 ta' Ġunju 2013 u s-Summit ta' Pittsburgh tal-24-25 ta' Settembru 2009,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) “Kompetizzjoni fiskali dannuża: problema li qed titfaċċa fuq livell globali” tal-1998,

wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD “Nindirizzaw l-erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitti” (BEPS) tal-2013, il-pjan ta' azzjoni tal-OECD dwar il-BEPS u l-pubblikazzjonijiet suċċessivi tagħha,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill Ewropew dwar il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (14 ta' Marzu 2013), dwar it-tassazzjoni (22 ta' Mejju 2013), dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni (18 ta' Diċembru 2014), dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS), dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fil-livell globali u l-miżuri dannużi ta' tassazzjoni (18 ta' Diċembru 2014) u dwar l-evażjoni tat-taxxa (27 ta' Ġunju 2014),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) u r-rapport tiegħu lill-Kunsill Ewropew dwar kwistjonijiet ta' taxxa tat-22 ta' Ġunju 2015,

wara li kkunsidra r-rapporti ta' kull sitt xhur mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Impriżi) lill-Kunsill dwar il-Kodiċi tal-Kondotta,

wara li kkunsidra d-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (2), id-Direttiva dwar Pagamenti ta' Mgħax u ta' Royalties (3) u l-proposti leġiżlattivi l-aktar reċenti tal-Kummissjoni biex dawn jiġu emendati,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta' Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti (4) (id-Direttiva dwar kumpaniji prinċipali u sussidjarji), kif emendata l-aħħar fl-2015,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati (5),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-taxxi fuq premiums tal-assigurazzjoni (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (8),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2007 lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-ħidma tal-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment fil-qasam tal-evitar ta' tilwim u l-proċeduri ta' riżoluzzjoni u dwar il-Linji Gwida għal Arranġament Preliminari ta' Prezzijiet ta' Trasferiment fi ħdan l-UE (COM(2007)0071),

wara li kkunsidra l-avviż tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 1998 fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna tal-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (9),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2015 intitolata “Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: Ħames Oqsma Ewlenin għal Azzjoni” (COM(2015)0302),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 2015 dwar it-trasparenza fiskali kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (COM(2015)0136),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 intitolata “Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa” (COM(2012)0722),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva (C(2012)8806),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa (C(2012)8805),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2012 dwar mezzi konkreti li jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa inkluż f'dak li jirrigwarda lil pajjiżi terzi (COM(2012)0351),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-2011 għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB) (COM(2011)0121), u l-pożizzjoni tal-Parlament tad-19 ta' April 2012 dwarha (10),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva” (COM(2011)0681),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-1 ta' Diċembru 1997 dwar kodiċi ta' kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi (11) u r-rapporti regolari lill-Kunsill mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Impriżi),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tat-30 ta' April 2014 adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-informaturi,

wara li kkunsidra r-rapport Simmons & Simmons tal-1999 dwar il-prattiki amministrattivi msemmija fil-paragrafu 26 tar-rapport tal-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta, ir-rapport Primarolo (SN 4901/99) u l-aġġornament ta' dan ir-rapport fl-2009;

wara li kkunsidra l-emendi adottati mill-Parlament fit-8 ta' Lulju 2015 għall-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-Direttiva 2013/34/UE rigward ċerti elementi tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar it-Taxxa (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali 2013 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u r-rifuġji fiskali (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2012 dwar l-appell għal modi konkreti biex jiġu miġġielda l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali (18),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-Taxxa u l-Iżvilupp – kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali (20),

wara li kkunsidra d-diversi seduti ta' smigħ parlamentari u r-rapporti suċċessivi dwar l-istess suġġett li saru fil-parlamenti nazzjonali u b'mod partikolari fil-Kamra tal-Komuni tar-Renju Unit, fis-Senat tal-Istati Uniti u fl-Assemblea Nazzjonali ta' Franza,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (A8-0317/2015),

LuxLeaks: fatti u ċifri

A.

billi l-iskandlu LuxLeaks, li faqqa' nhar il-5 ta' Novembru 2014 grazzi għall-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi li rrilaxxa madwar 28 000 paġna ta' dokumenti kunfidenzjali li ddeskrivew aktar minn 500 arranġament fiskali privat bejn l-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża u aktar minn 300 korporazzjoni multinazzjonali bejn l-2002 u l-2010, żvela kemm hu mifrux l-użu ta' akkordji sigrieti kkaratterizzati minn strutturi finanzjarji kumplessi ddisinjati biex jinkiseb tnaqqis fiskali drastiku; billi f'ħafna każijiet dawn is-sussidjarji Lussemburgiżi, li jgħaddu minn idejhom mijiet ta' miljuni ta' euro f'kummerċ, ftit iżommu preżenza u ftit iwettqu attività ekonomika fil-Lussemburgu;

B.

billi l-kwistjonijiet relatati mal-erożjoni tal-bażi tat-taxxa korporattiva u l-prattiki ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva ilhom minn tal-inqas diversi deċennji magħrufa u jiġu analizzati fuq livell internazzjonali; billi LuxLeaks ġibed l-attenzjoni tal-pubbliku u tal-midja lejn dawn il-kwistjonijiet, u żvela prattiki fiskali dubjużi promossi minn ditti kontabilistiċi fi Stat Membru speċifiku; billi l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-ħidma mwettqa mill-Parlament permezz tal-kumitat speċjali tiegħu wrew li dan mhuwiex l-uniku każ, iżda li l-prattiki li jittieħdu miżuri fiskali biex jitnaqqsu l-obbligazzjonijiet tat-taxxa kumplessivi ta' xi korporazzjonijiet kbar sabiex il-bażi tat-taxxa nazzjonali tiżdied artifiċjalment għad-detriment ta' pajjiżi oħra, li wħud minnhom huma suġġetti għal miżuri ta' awsterità, hija waħda mifruxa fi ħdan l-Ewropa u lil hinn minnha;

C.

billi mġiba ta' dan it-tip, li ta' spiss tirriżulta biex tintilef il-konnessjoni bejn il-post fejn jiġi ġġenerat il-valur u dak fejn jiġu ntaxxati l-profitti, mhijiex limitata għal deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, iżda tħaddan firxa wiesgħa ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi, li jiġu implimentati minn amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali fi ħdan l-UE u lil hinn minnha;

D.

billi s-sottomissjoni ta' dawn il-prattiki għall-iskrutinju pubbliku hija parti mill-kontroll demokratiku; billi, minħabba l-impatt negattiv tagħhom fuq is-soċjetà kollha kemm hi, jistgħu jippersistu biss sakemm jibqgħu mistura jew jiġu ttollerati; billi l-ġurnalisti investigattivi, is-settur mhux governattiv u l-komunità akkademika kienu strumentali biex jikxfu każijiet ta' evitar tat-taxxa u biex jinformaw lill-pubbliku dwarhom; billi, sakemm dawn ma jistgħux jiġu evitati, l-iżvelar tagħhom m'għandux jiddependi fuq il-kuraġġ u s-sens etiku ta' informaturi individwali, iżda għandu jkun parti minn mekkaniżmi aktar sistematiċi ta' rappurtar u skambju ta' informazzjoni;

L-approċċ tal-Istati Membri għat-tassazzjoni korporattiva

E.

billi d-dħul mit-taxxa fuq l-introjtu korporattiv għat-28 Stat Membru tal-Unjoni ammonta għal medja ta' 2,6 % tal-PDG fl-2012 (21);

F.

billi, skont it-Trattat, it-tassazzjoni diretta hija prinċipalment kompetenza tal-Istati Membri; billi, waqt li l-UE għandha kompetenza fil-qasam tat-tassazzjoni, l-eżerċitar ta' dik il-kompetenza normalment ikun suġġett għar-rekwiżit ta' unanimità fil-Kunsill; billi, minħabba f'hekk, għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni sinifikanti fil-livell tal-UE fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva, minkejja l-iżviluppi reċenti fil-proċess ta' integrazzjoni fl-UE fir-rigward tas-suq intern u l-oqsma l-oħra koperti mit-Trattati tal-UE bħall-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali, il-munita unika, il-governanza ekonomika u fiskali u l-prinċipji u l-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus; billi jeħtieġ li l-Istati Membri jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-kompetizzjoni u jiżguraw li l-leġislazzjoni fiskali tagħhom tkun kompatibbli mal-prinċipji tas-suq intern u ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni; billi, peress li kull Stat Membru ngħata dritt ta' veto, ir-regola dwar l-unanimità fi ħdan il-Kunsill tnaqqas l-inċentiv għal bidla mill-istatus quo lejn soluzzjoni aktar kooperattiva; billi, sakemm ma tintużax il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 116 TFUE, ikun hemm bżonn ta' bidla fit-Trattat biex jinbidel ir-rekwiżit ta' unanimità fi kwistjonijiet relatati mat-tassazzjoni diretta;

G.

billi s-sitwazzjoni attwali ta' kull Stat Membru li għandu d-dritt ta' veto timplika li l-Istati Membri kollha għandhom jaġixxu b'mod deċiż u b'kooperazzjoni biex jindirizzaw il-problema pan-Ewropea tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

H.

billi, apparti xi eċċezzjonijiet lodevoli, ir-rappreżentanti politiċi nazzjonali s'issa ma kinux proattivi biżżejjed biex jindirizzaw il-problema tal-evitar tat-taxxa, inklużi d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa;

I.

billi, fis-suq intern Ewropew, il-kapital jiċċirkola liberament u l-kumpaniji l-kbar jirrapportaw l-attivitajiet tagħhom b'mod ikkonsolidat, iżda t-taxxa tinġabar fil-livell nazzjonali minn awtoritajiet tat-taxxa li ftit ferm jiskambjaw informazzjoni bejniethom;

J.

billi, f'suq intern komplut, l-ebda distorsjoni artifiċjali m'għandha taffettwa d-deċiżjonijiet ta' investiment u l-lokalizzazzjoni ta' impriża; billi, madankollu, il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-moviment liberu tal-kapital joħolqu l-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni aktar intensa fil-qasam tat-taxxa bejn l-Istati Membri, u ma' pajjiżi terzi, sabiex jattiraw l-investiment u l-impriżi; billi hu importanti li l-kumpaniji jinżammu fl-Ewropa u jiġu attirati lejha, iżda dan ma jistax jieħu s-sura ta' sistemi fiskali potenzjalment dannużi, li primarjament ikollhom l-għan li jrawmu l-investiment u jattiraw attività ekonomika addizzjonali, b'reazzjoni għal miżuri simili mnedija fil-pajjiżi ġirien jew li jkunu intenzjonati biex jikkoreġu dawk li jitqiesu bħala żbilanċi preeżistenti bejn l-Istati Membri f'termini ta' ġid, daqs jew lokalizzazzjoni ġeografika periferika relattivi billi, inċidentalment, f'xi ġurisdizzjonijiet jidher li hemm korrelazzjoni bejn sistemi tat-taxxa korporattiva attraenti u livell għoli ta' ġid nazzjonali; billi d-disinn ottimali tas-sistemi fiskali jiddependi fuq diversi fatturi, u għaldaqstant ivarja minn pajjiż għall-ieħor; billi l-kompetizzjoni fiskali dannuża bejn l-Istati Membri tillimita l-potenzjal tas-suq uniku;

K.

billi, minflok ma sempliċiment jiffokaw fuq il-promozzjoni ta' ambjent kummerċjali attraenti, pereżempju b'infrastruttura tajba u forza tax-xogħol ta' kwalità għolja, anke permezz ta' nfiq li jsaħħaħ il-produttività, u minflok ma jiżguraw l-istabilità u l-prevedibilità tas-sistema fiskali, il-pajjiżi, fir-rwol tagħhom bħala parteċipanti fil-logħba tal-kompetizzjoni fiskali, jużaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom b'mod konġunt man-netwerks tat-trattati fiskali tagħhom biex jippromwovu lilhom infushom bħala pajjiżi fejn jista' jsir l-investiment u bħala ċentri minn fejn jistgħu indirizzati l-flussi finanzjarji jew fejn jistgħu jiġu kontabilizzati l-profitti, b'mod li b'hekk jattiraw lill-impriżi jew lill-kumpaniji tal-isem għad-detriment tal-pajjiżi sħabhom u joħolqu prattiki inġusti bejniethom; billi, jekk jitqies b'mod iżolat, kull pajjiż għandu interess ċar li jġib ruħu ta' “opportunist”, jiġifieri li jkun l-ewwel li jfassal u jimplimenta sistemi u dispożizzjonijiet fiskali speċifiċi biex jattira bażi tat-taxxa, u l-aħħar li jipparteċipa fi kwalunkwe azzjoni kooperattiva u kkoordinata biex tiġi affrontata l-evażjoni tat-taxxa;

L.

billi teżisti kompetizzjoni fiskali bejn l-Istati Membri; billi l-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-Istati Membri tal-Unjoni huwa deskritt fl-Artikolu 4 TUE; billi l-Istati Membri għandhom japplikaw kompletament il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera fil-kwistjonijiet ta' kompetizzjoni fiskali;

M.

billi xi Stati Membri jadottaw pożizzjoni ambivalenti rigward l-evitar tat-taxxa u, waqt li minn naħa jgergru dwar l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa nazzjonali tagħhom, fl-istess ħin huma responsabbli għad-disinn tas-sistemi fiskali nazzjonali u internazzjonali li ppermettewha, u jibqgħu jimpedixxu kwalunkwe żvilupp tas-sistemi fiskali tagħhom fid-direzzjoni ta' soluzzjoni aktar ikkoordinata; billi, f'qafas ta' mobilità sħiħa tal-kapital fi ħdan l-UE, u l-għan iddikjarat tal-Kummissjoni li tintroduċi Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-interdipendenza u l-effetti reċiproċi tas-sistemi u d-dħul fiskali nazzjonali għandhom jitqiesu kompletament, filwaqt li ma jintesewx l-effetti konsegwenzjali estensivi, kemm pożittivi u kemm negattivi, fuq livell transkonfinali tad-deċiżjonijiet fiskali tal-Istati Membri individwali, peress li l-inċentiv fiskali ta' pajjiż speċifiku jkun l-erożjoni tal-bażi ta' ieħor;

N.

billi qed nosservaw paradoss fejn il-kompetizzjoni libera bejn l-Istati Membri f'materji tat-taxxa rriżultat fi mġiba antikompetittiva u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni;

O.

billi rriżulta li l-introduzzjoni tas-suq uniku Ewropew kienet ta' benefiċċju kbir għall-ekonomiji nazzjonali, peress li saru aktar kompetittivi u attraenti f'ekonomija globalizzata, u billi fl-aħħar mill-aħħar il-konverġenza fiskali bejn l-Istati Membri se jkollha l-istess effett;

P.

billi l-leġiżlatur u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, li ta' spiss ma jkunux ingħataw biżżejjed riżorsi, ma jistgħux jantiċipaw iżda jistgħu biss jirreaġixxu, ġieli b'dewmien kbir, għall-iskemi innovattivi ta' evitar tat-taxxa li jiġu mfassla u promossi minn xi konsulenti fiskali, b'mod partikolari d-ditti kontabilistiċi kbar ħafna, minn avukati u minn kumpaniji intermedjarji; billi, b'mod partikolari, l-esperjenza tixhed li rriżulta li l-korpi tal-UE li għandhom jipprevjenu l-introduzzjoni ta' miżuri ġodda dwar it-taxxa dannużi (bħall-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta, imwaqqaf mill-Istati Membri fl-1998, jew il-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattati) mhumiex kapaċi jikkontrobattu dawn l-iżviluppi mhux mixtieqa, u ġieli jirreaġixxi b'mod ineffikaċi jew abbażi ta' mandat limitat wisq, u li fl-UE ġew introdotti ħafna miżuri jew ftehimiet ġodda u spiss aggressivi ta' evitar tat-taxxa, bħal rati fiskali preferenzjali għad-dħul minn privattivi (patent boxes); billi l-korporazzjonijiet multinazzjonali, fl-UE u madwar id-dinja, qed jiddependu fuq il-ħila esperta ta' settur organizzat sew u kompetenti ta' konsulenti fiskali, kif ukoll tal-banek u l-fornituri l-oħra ta' servizzi finanzjarji, biex jiżviluppaw l-iskemi tagħhom ta' evitar tat-taxxa; billi dan is-settur fl-istess ħin huwa rappreżentat fil-korpi li jagħtu pariri lill-gvernijiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi fir-rigward ta' materji tat-taxxa, bħalma hi l-Pjattaforma għall-Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa; billi hemm tħassib dwar il-kunflitti ta' interess li jistgħu jirriżultaw fil-każ li l-istess ditti jkunu qed jagħtu pariri kemm lill-awtoritajiet pubbliċi u kemm lil korporazzjonijiet multinazzjonali privati;

Q.

billi kull pjanifikazzjoni fiskali għandha sseħħ fi ħdan il-limiti tal-liġi u t-trattati applikabbli; billi, konsegwentement, l-aktar risposta adegwata għall-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva hi leġiżlazzjoni tajba u koordinament internazzjonali rigward ir-riżultati mixtieqa;

R.

billi l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni hi determinanti biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa; billi din l-implimentazzjoni hi r-responsabilità tal-amministrazzjonijiet nazzjonali li spiss ftit ikollhom inċentivi biex jikkooperaw bejniethom fil-livell Ewropew; billi din is-sitwazzjoni żżid mad-diverġenzi li diġà jirriżultaw mid-differenzi fil-leġiżlazzjoni madwar l-Unjoni u taggravahom;

S.

billi t-Trojka ta' istituzzjonijiet (il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Fond Monetarju Internazzjonali) li tissorvelja l-programmi ta' aġġustament fiskali u finanzjarju fi Stati Membri bħall-Portugall u l-Greċja ma għamlet xejn biex tipprevjeni l-amnistiji fiskali, id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, il-benefiċċji fiskali u l-iskemi ta' eżenzjoni mit-taxxa li kienu u huma diskriminatorji b'mod inġust, peress li jiffavorixxu lill-korporazzjonijiet u l-individwi li jwettqu imbrolji fiskali, jikkawżaw telf kbir ta' dħul statali u jżidu l-piż fuq l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u ċ-ċittadini li diġà qed jiġu ntaxxati żżejjed;

T.

billi l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati fiskali u l-ħasil tal-flus, li sikwit jinvolvu operazzjonijiet finanzjarji u persuni ġuridiċi f'diversi ġurisdizzjonijiet, huma sfida enormi; billi l-persunal tal-Istati Membri responsabbli għall-investigazzjoni u t-tmexija ta' proċedimenti ġudizzjarji kontra l-awturi ta' reati fiskali u reati finanzjarji oħra spiss ma jkunux biżżejjed imħarrġa u ekwipaġġati;

U.

billi l-politiki ta' awsterità u trażżin baġitarju f'dawn l-aħħar snin naqqsu b'mod sinifikanti l-kapaċità tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex jinvestigaw ir-reati fiskali u l-prattiki dwar it-taxxa dannużi; billi dan it-tnaqqis kien ta' dannu partikolari fil-pajjiżi li qegħdin taħt programmi ta' assistenza finanzjarja mmexxija mit-Trojka, fejn iż-żieda fid-dħul tal-istat inkisbet għad-detriment tal-SMEs u ċ-ċittadini ntaxxati żżejjed, filwaqt li l-korporazzjonijiet il-kbar u l-imbroljuni fiskali sinjuri spiss ibbenefikaw minn amnistiji fiskali, deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u skemi oħra ta' eżenzjoni mit-taxxa u ta' benefiċċji fiskali, kif kien il-każ fil-Portugall u l-Greċja;

Id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u l-prattiki dwar it-taxxa dannużi

V.

billi d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa jkopru firxa wiesgħa ta' prattiki fl-Istati Membri, li jvarjaw minn politika ad hoc għal applikazzjoni tal-liġi f'qafas ċar, f'termini tal-ambitu possibbli u s-suġġetti koperti, in-natura vinkolanti, il-frekwenza tal-użu, il-pubbliċità, it-tul u l-pagament ta' ħlasijiet dovuti; billi m'hemm l-ebda definizzjoni li ntlaħaq qbil komuni dwarha fir-rigward tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa fil-livell internazzjonali ħlief ir-riferiment li għamlet għalihom il-Kummissjoni bħala “kwalunkwe komunikazzjoni jew kwalunkwe strument jew azzjoni oħra b'effetti simili, mill-Istat Membru jew f'ismu fir-rigward tal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tat-taxxa”;

W.

billi d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa mhumiex intrinsikament problematiċi, peress li jistgħu, skont l-għan oriġinali tagħhom, jipprovdu ċ-ċertezza tad-dritt għall-kontribwenti u jnaqqsu r-riskju finanzjarju għad-ditti onesti fil-każijiet fejn il-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tat-taxxa jew applikazzjoni partikolari tagħhom f'ċerti ċirkostanzi ma jkunux ċari jew ikunu suġġetti għal interpretazzjonijiet diverġenti, b'mod partikolari fir-rigward ta' tranżazzjonijiet kumplessi, u b'hekk jiġi evitat it-tilwim fil-ġejjieni bejn il-kontribwent u l-awtorità tat-taxxa;

X.

billi l-prattika ta' dawn id-deċiżjonijiet ġiet żviluppata, fil-qafas ta' relazzjoni eqreb u aktar kooperattiva bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-kontribwenti, bħala għodda biex tiġi affrontata l-kumplessità dejjem tikber tat-trattament fiskali ta' ċerti tranżazzjonijiet f'ekonomija dejjem iżjed kumplessa, globali u diġitalizzata; billi – minkejja li l-Istati Membri qed jasserixxu li dawn id-deċiżjonijiet mhumiex diskrezzjonali, iżda sempliċiment għodda biex tiġi ċċarata l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tat-taxxa, waqt li jżommuhom sigrieti – il-ħidma tal-kumitat speċjali tiegħu kkonfermat li d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa jistgħu jinħarġu mingħajr ebda qafas legali permezz ta' arranġamenti informali jew diskrezzjonali, li jappoġġaw strutturi maħluqa għal finijiet ta' taxxa li jiddependu fuq għodda ta' pjanifikazzjoni fiskali li tipikament jintużaw mill-korporazzjonijiet multinazzjonali biex inaqqsu l-kontribuzzjoni fiskali tagħhom; billi dan jidher li hu problematiku partikolarment – imma mhux esklużivament – fil-każ tad-deċiżjonijiet relatati mal-ipprezzar ta' trasferiment intrakumpanija (l-hekk imsejħa Arranġamenti Preliminari ta' Prezzijiet ta' Trasferiment); billi, peress li jipprovdu ċ-ċertezza tad-dritt lil xi atturi magħżula biss, jista' jkun li joħolqu l-inugwaljanza bejn il-kumpaniji li jkunu ngħatawhom u l-kumpaniji fl-istess settur li ma jkollhomx aċċess għalihom;

Y.

billi la l-OECD u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma appellaw biex effettivament tintemm il-prattika tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa;

Z.

billi d-deċiżjonijiet bil-quddiem fil-qasam tat-taxxa mhuma suppost jaffettwaw bl-ebda mod it-trattament fiskali ta' kwalunkwe tranżazzjoni, u lanqas mhuma suppost jibbenefikaw lil kontribwent partikolari fuq ieħor, iżda pjuttost għandu jkollhom, f'parità ta' ċirkustanzi, l-istess effett bħall-applikazzjoni ex post tad-dispożizzjonijiet sottostanti fil-qasam tat-taxxa; billi, għaldaqstant, l-attenzjoni ta' dan ir-rapport mhix iffokata strettament fuq id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa biss, imma tinkludi, bi qbil mal-mandat mogħti lilll-kumitat speċjali tiegħu (il-Kumitat TAXE), kwalunkwe miżura fiskali ta' natura jew effett simili, taħt it-terminu ġeneriku ta' “prattiki dwar it-taxxa dannużi”, jiġifieri l-miżuri mmirati biex jattiraw lil ditti jew tranżazzjonijiet mhux residenti b'detriment għall-ġurisdizzjonijiet fiskali l-oħra fejn normalment imisshom jiġu ntaxxati dawn it-tranżazzjonijiet u/jew il-miżuri mmirati biex jiffavorixxu lil xi kumpaniji biss, b'mod li joħolqu distorsjoni għall-kompetizzjoni;

AA.

billi l-prattiki dwar it-taxxa dannużi jistgħu, sa ċertu punt, jiġu kkonnessi ma' wieħed jew diversi minn dawn l-effetti mhux mixtieqa li ġejjin: nuqqas ta' trasparenza, diskriminazzjoni arbitrarja, distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u kundizzjonijiet mhux ugwali fi ħdan is-suq intern u barra minnu, impatt fuq l-integrità tas-suq intern, u fuq kemm tkun ġusta, stabbli u leġittima s-sistema tat-taxxa, aktar tassazzjoni fuq fatturi ekonomiċi anqas mobbli, żieda fl-inugwaljanzi ekonomiċi, kompetizzjoni inġusta bejn l-istati, erożjoni tal-bażi tat-taxxa, skuntentizza soċjali, nuqqas ta' fiduċja u defiċit demokratiku;

AB.

billi għandu jiġi rikonoxxut li, filwaqt li l-SMEs jibqgħu l-mutur tal-ekonomija u tal-impjiegi fl-Ewropa, anke l-kumpaniji multinazzjonali jiżvolġu rwol kruċjali fil-ġenerazzjoni tal-investiment, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi; billi l-ħlas minn dawn il-kumpaniji tas-sehem ġust tagħhom tat-taxxa fil-pajjiżi fejn effettivament iseħħu l-attività ekonomiku u l-ħolqien tal-valur jibqa' kontribut kruċjali għall-benesseri u s-sostenibilità tas-soċjetajiet Ewropej;

Il-ħidma tal-Kumitat Speċjali

AC.

billi l-kumitat speċjali kompetenti tiegħu, li ġie kostitwit fis-26 ta' Frar 2015, organizza 14-il laqgħa, li matulhom sema' lill-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, lill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni, Margrethe Vestager, lill-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Pierre Moscovici, lill-President fil-kariga tal-Kunsill, Pierre Gramegna, lill-Ministri tal-Finanzi ta' Franza, Michel Sapin, tal-Ġermanja, Wolfgang Schäuble, tal-Italja, Pier Carlo Padoan, u ta' Spanja, Luis de Guindos, lir-rappreżentanti tal-OECD, kif ukoll lil informaturi, ġurnalisti investigattivi, esperti, akkademiċi, rappreżentanti ta' korporazzjonijiet multinazzjonali, assoċjazzjonijiet professjonali, trade unions, organizzazzjonijiet mhux governattivi u membri tal-parlamenti nazzjonali tal-UE (ara l-Anness 1); billi delegazzjonijiet mill-Kumitat TAXE żaru lill-Iżvizzera, biex jeżaminaw l-aspetti speċifiċi tad-dimensjoni relatata ma' pajjiżi terzi tal-mandat tiegħu, kif ukoll lill-Istati Membri li ġejjin, biex iwettqu missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni: il-Belġju, il-Lussemburgu, l-Irlanda, in-Netherlands u r-Renju Unit; billi ġew organizzati wkoll laqgħat mar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' Ġibiltà u Bermuda; billi dawn l-attivitajiet kollha, filwaqt li jagħtu għarfien varjat u imprezzabbli lis-sistemi u l-prattiki tat-taxxa madwar l-UE, ma jiċċarawx il-mistoqsijiet pertinenti kollha, inkluż l-inkonsistenzi li għad baqa' fid-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Junker dwar il-paġna sigrieta għal żmien twil tar-rapport Krecké;

AD.

billi xi ħidma tal-kumitat ġiet imxekkla mill-fatt li għadd ta' Stati Membri u l-Kunsill ma weġbux fi żmien xieraq (ara l-Anness 2) u, fl-aħħar mill-aħħar, m'għaddewx id-dokumenti kollha mitluba jew sempliċiment bagħtu tweġibiet ta' korteżija li bilkemm semmew is-sustanza tat-talbiet li saru; billi mis-17-il korporazzjoni multinazzjonali li ġew mistiedna, erbgħabiss qablu li jidhru quddiem il-kumitat f’Ġunju u f'Lulju 2015, mal-ewwel stedina; billi 11-il korporazzjoni multinazzjonali oħra qablu li jidhru quddiem il-kumitat biss wara li r-rapport ġie vvutat fil-Kumitat TAXE u wara li kienu sarulhom bosta stediniet, tant li kellha tissejjaħ laqgħa straordinarja ftit qabel il-votazzjoni fil-plenarja (ara l-Anness 3); billi lanqas il-Kummissjoni ma kkooperat kompletament u ma bagħtitx kull dokument tas-seduti u kull nota tal-laqgħat informali mil-laqgħat tal-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta, u offriet biss, minħabba l-intransiġenza ta' xi Stati Membri, proċedura ta' konsultazzjoni limitata; billi l-perjodu tal-mandat tal-kumitat kellu għalhekk jiġi prorogat;

AE.

billi għadd ta' investigazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-istat, fir-rigward tal-arranġamenti ta' pprezzar ta' trasferiment, ivvalidati minn deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, li jaffettwaw il-profitt taxxabbli allokat lil ċerti sussidjarji ta' korporazzjonijiet multinazzjonali, kienu għadhom għaddejjin fiż-żmien meta ġie adottat dan ir-rapport;

Ħarsa ġenerali lejn il-prattiki ta' tassazzjoni korporattiva fl-Istati Membri

1.

Ifakkar li l-mudelli ta' tassazzjoni korporattiva eżistenti fil-pajjiżi industrijalizzati tfasslu fl-ewwel nofs tas-seklu 20, perjodu li fih l-attività transkonfinali kienet limitata; jinnota li l-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija biddlu radikalment il-katina ta' valur globali u l-mod kif joperaw is-swieq u li l-biċċa l-kbira tal-kumpaniji kbar issa għandhom struttura transnazzjonali li tirrikjedi s-superament tar-regoli fiskali nazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li r-regoli nazzjonali u internazzjonali fil-qasam tat-tassazzjoni ma żviluppawx bl-istess ritmu tal-evoluzzjoni tal-ambjent kummerċjali;

2.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li titfassal politika ta' tassazzjoni bbilanċjata u ġusta bħala parti integrali tar-riforma strutturali fl-Istati Membri;

3.

Josserva li, waqt li qed tkun ħaġa dejjem aktar kumplessa għad-ditti li joperaw b'mod transkonfinali biex jibqgħu konformi mad-diversi sistemi fiskali, il-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni għamluha aktar faċli għalihom li jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom permezz ta' ċentri finanzjarji offshore, u li joħolqu strutturi sofistikati sabiex inaqqsu l-kontribuzzjoni fiskali globali tagħhom; jinsab imħasseb dwar il-fatt li, minħabba l-kriżi ekonomika u tad-dejn u minħabba konsolidament baġitarju, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri naqqsu b'mod sinifikanti l-persunal amministrattiv tagħhom fil-qasam tat-taxxa; jisħaq fuq il-fatt li l-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa għandu jkollhom biżżejjed riżorsi, inklużi riżorsi umani, biex joperaw b'mod effikaċi fil-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta' ippjanar fiskali aggressiv, evażjoni tat-taxxa u evitar tat-taxxa, u fil-ġlieda kontrihom, peress li dawn jiġġeneraw erożjoni sostanzjali tal-bażi tat-taxxa tagħhom, u biex jiżguraw ġbir aħjar u aktar ġust tat-taxxa u l-kredibilità tas-sistema fiskali; josserva li ntwera minn studji li, fl-amministrazzjonijiet fiskali, persunal kompetenti iġib konsiderevolment aktar dħul għall-istat min-nefqiet relatati, peress li l-effikaċja tal-amministrazzjonijiet fiskali jkollha impatt pożittiv dirett fuq id-dħul mit-taxxa;

4.

Jisħaq fuq id-differenza bejn, minn naħa, il-prattiki dannużi ta' ċerti amministrazzjonijiet fiskali u nazzjonali li jippermettu li l-korporazzjonijiet multinazzjonali jittrasferixxu l-profitti sabiex jevitaw it-tassazzjoni fit-territorji fejn ikunu ġew iġġenerati l-profitti u, min-naħa l-oħra, il-kompetizzjoni tal-gvernijiet biex jattiraw l-investiment barrani dirett (IDB) jew biex iżommu attivitajiet ekonomiċi fil-pajjiż bi qbil sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

5.

Jisħaq fuq il-fatt li t-Trattat, bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jippermetti li l-Istati Membri jiddeterminaw ir-rati tat-taxxa korporattiva u l-bażi tat-taxxa tagħhom stess sakemm ikunu ġew miftiehma miżuri ta' konverġenza fiskali aktar qawwija bi qbil mat-Trattat; jisħaq ukoll fuq il-fatt li, madankollu, ir-regoli kumplessi żżejjed tas-sistemi fiskali nazzjonali, flimkien mad-differenzi bejn dawn is-sistemi, joħolqu lakuni li jiġu sfruttati mill-korporazzjonijiet multinazzjonali għal skopijiet ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, u b'hekk iwasslu għal erożjoni tal-bażi, trasferiment tal-profitti, ġirja lejn l-iktar livell baxx u, fl-aħħar mill-aħħar, eżitu ekonomiku subottimali; jissottolinja l-fatt li evitar tat-taxxa ta' dan it-tip huwa logħba li jista' jkollha biss telliefa meta l-baġits nazzjonali kollha jitqiesu flimkien, peress li ż-żidiet fid-dħul fiskali li jirriżultaw minn prattiki dannużi fi Stat Membru wieħed (grazzi għal derogi, tnaqqis speċifiku jew lakuni) ma jikkumpensawx għat-tnaqqis fid-dħul fiskali f'oħrajn; jindika li huwa biss approċċ aktar ikkoordinat u konġunt min-naħa tal-Istati Membri, li għandu jirriżulta f'qafas komuni li fih jistabbilixxu r-rati tat-taxxa tagħhom l-Istati Membri, li jista' jipprevjeni erożjoni ulterjuri tal-bażi, kompetizzjoni fiskali dannuża u ġirja lejn l-iktar livell baxx tar-rati fiskali;

6.

Ifakkar li xi Stati Membri għandhom taxxi fuq il-kumpaniji li formalment huma ogħla minn dawk ta' ħaddieħor, iżda, fir-realtà, minħabba tnaqqis u lakuni li jiffavorixxu l-impriżi domestiċi, ir-rati huma sostanzjalment aktar baxxi, u minħabba f'hekk ir-rata fiskali effettiva hija aktar baxxa milli hi fl-Istati Membri b'rata formalment baxxa;

7.

Jindika l-fatt li taxxa aktar baxxa fuq il-kumpaniji f'xi Stati Membri tista' tipprovdi introjtu relattivament ogħla mit-taxxa milli jipprovdu r-rati ogħla;

8.

Josserva li, skont il-Kummissjoni (22), ir-rati statutorji tat-taxxa korporattiva fl-UE naqsu bi 12-il punt perċentwali, minn 35 % għal 23 %, bejn l-1995 u l-2014; jisħaq fuq il-fatt li dan it-tnaqqis fir-rati tat-taxxa qed jiġi akkumpanjat minn twessigħ tal-bażi tat-taxxa bħala mitigazzjoni tat-telf ta' dħul u li d-dħul relattivament stabbli li oriġina mit-tassazzjoni korporattiva fl-istess perjodu jista' jiġi spjegat ukoll minn tendenza ta' 'inkorporazzjoni' sostanzjali, jiġifieri bidla minn ċerti forom ġuridiċi ta' negozju, bħalma huma s-sjieda (unika), għal status ta' korporazzjoni, li tirriżulta f'bidla simili minn bażi tat-taxxa personali għal waħda korporattiva;

9.

Josserva li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jonfqu ammonti kbar fuq inċentivi fiskali intenzjonati biex jagħtu vantaġġ kompetittiv lill-SMEs, iżda li, skont il-Kummissjoni (23), dawn it-tentattivi qed jiddgħajfu minħabba l-effett tal-pjanifikazzjoni fiskali internazzjonali fi tlieta mill-erba' Stati Membri li ġew studjati fi stħarriġ reċenti; josserva li l-effetti ta' dan it-tip iqiegħdu lill-SMEs f'sitwazzjoni ta' żvantaġġ kompetittiv minkejja l-spejjeż kbar assoċjati man-nefqiet fiskali għall-appoġġ tagħhom u li r-riżultati ta' dan it-tip idgħajfu l-intenzjoni ta' min ifassal il-politiki nazzjonali;

10.

Jevidenzja d-distakk li qed jikber bejn ir-rati tat-taxxa statutorji u dawk effettivi, b'mod partikolari għad-ditti li joperaw fuq livell globali, distakk li jirrifletti, parzjalment għallinqas, id-diversi derogi u eżenzjonijiet mir-reġim tat-taxxa ġenerali, kemm dawk maħsuba mil-leġiżlatur sabiex jintlaħqu objettivi speċifiċi u kemm dawk li jirriżultaw minn pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, jiġifieri mill-ħolqien ta' arranġamenti purament artifiċjali għal skopijiet ta' tassazzjoni biss;

11.

Jenfasizza li l-asimmetriji bejn is-sistemi fiskali fuq livell globali jikkontribwixxu għal erożjoni tal-bażi tat-taxxa u evażjoni tat-taxxa sinifikanti, iżda li azzjoni fil-livell tal-UE biss mhix se tindirizza dawn il-kwistjonijiet;

12.

Josserva d-diversità kbira tat-28 sistema fiskali fl-UE, kemm fir-rigward tad-definizzjoni tal-bażi tat-taxxa u kemm fir-rigward tal-livell tar-rata tat-taxxa, li hija saħansitra ikbar jekk jitqiesu dawk il-ġurisdizzjonijiet speċjali b'sistemi fiskali awtonomi li huma kollegati ma' Stati Membri tal-UE (it-territorji extra-Ewropej u d-dipendenzi tal-Kuruna Brittanika); jiddeplora l-fatt li kunċetti u elementi bażiċi, bħalma huma l-bilanċ bejn it-tassazzjoni abbażi tal-oriġini u dik abbażi tar-residenza, l-istabbiliment permanenti u l-entitajiet taxxabbli, is-sustanza ekonomika u r-regoli kontra l-abbuż, id-definizzjoni ta' mgħax u royalties, it-trattament ta' assi intanġibbli, it-trattament tad-dejn u l-ekwità, minħajr ma jissemma x'jista' jew x'ma jistax jitnaqqas mill-bażi tat-taxxa, bħalissa mhuma suġġetti għall-ebda definizzjoni jew linji gwida konġunti fl-UE, b'mod li s-sistemi fiskali tal-Istati Membri baqgħu mhux ikkoordinati; jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn li dawn id-definizzjonijiet jiġu armonizzati;

13.

Jisħaq fuq il-fatt li r-reġimi preferenzjali nazzjonali u d-diskrepanzi bejn is-sistemi fiskali differenti fi ħdan is-suq uniku joħolqu opportunitajiet biex tiġi evitata t-taxxa; josserva li dawn l-effetti mhux mixtieqa qed jiġu aggravati ulterjorment mill-interazzjoni ma' għadd kbir ta' trattati fiskali bilaterali bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, u d-dispożizzjonijiet insuffiċjenti kontra l-abbuż fihom;

14.

Josserva li dan il-qafas fiskali mhux ikkoordinat fi ħdan l-UE jbati wkoll minn nuqqas sfaċċat ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-fatt li l-Istati Membri mhux neċessarjament jikkunsidraw l-impatt tal-miżuri fiskali tagħhom fuq l-Istati Membri oħra, mhux biss meta jfasslu l-miżuri fiskali tagħhom iżda anke meta jikkondividu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tat-tali miżuri, u dan iwassal għal politika fi kwistjonijiet fiskali li de facto tkun tfisser li jkunu qed jistagħnaw minn fuq dahar ħaddieħor, u dan imur kontra s-sisien innifshom tal-proġett Ewropew; jindika li skambju awtomatiku, sistematiku u effiċjenti ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri kieku jippermetti li jitqies it-trattament fiskali ta' flussi ta' introjtu jew tranżazzjonijiet speċifiċi fi Stati Membri oħra; jisħaq fuq il-fatt li dan jikkontribwixxi wkoll biex tinħoloq sitwazzjoni inaċċettabbli fejn il-profitti ġġenerati mill-korporazzjonijiet multinazzjonali fi Stat Membru ħafna drabi jiġu ntaxxati b'rati baxxi ħafna jew ma jiġu ntaxxati xejn fl-UE;

15.

Jemmen li l-politika fiskali u l-politika tal-kompetizzjoni għandhom jitqiesu bħala żewġt uċuh tal-istess munita fis-suq intern u jappella lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta mill-ġdid u ssaħħaħ l-istrumenti u r-riżorsi disponibbli għall-politika tal-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat;

16.

Jenfasizza li l-konverġenza bejn is-sistemi fiskali nazzjonali fl-UE kienet limitata ħafna minkejja approfondiment bla preċedenti tal-proċess ta' integrazzjoni tal-UE matul dawn l-aħħar 30 sena, b'mod partikolari fir-rigward tas-suq uniku u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja; jiddeplora l-fatt li l-koordinament tas-sistemi fiskali nazzjonali għadu lura ferm meta mqabbel mal-isforzi ta' koordinament f'oqsma oħra fil-livell tal-UE, b'mod partikolari fil-qafas tas-Semestru Ewropew, għalkemm, apparti r-rilevanza tal-miżuri fuq in-naħa tan-nefqa, parti sinifikanti tat-taħlita politika biex jiġi żgurat l-konsolidament fiskali tirrigwarda n-naħa tad-dħul; hu tal-fehma li dan l-aspett imissu ssemma fir-rapport tal-Ħames Presidenti intitolat “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa” ta' Ġunju 2015;

17.

Jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqas ta' rieda politika biex tinkiseb konverġenza bejn il-politiki fiskali nazzjonali jġiegħel lill-Istati Membri jagħżlu approċċ bilaterali, waqt li approċċ komuni jkun aktar effikaċi; ifakkar fl-għażla li l-ħidma favur il-konverġenza fiskali ssir permezz tal-kooperazzjoni msaħħa; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan id-dawl, ix-xewqa ta' ċerti Stati Membri li jistitwixxu taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji;

L-istrumenti ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u l-impatt tagħhom

18.

Jisħaq fuq il-fatt li l-evitar tat-taxxa minn ċerti korporazzjonijiet multinazzjonali jista' jirriżulta f'rati tat-taxxa li effettivament joqorbu għaż-żero fir-rigward tal-profitti ġġenerati f'ġurisdizzjonijiet Ewropej, filwaqt li jevidenzja l-fatt li dawn il-korporazzjonijiet multinazzjonali, għalkemm jibbenefikaw minn diversi beni u servizzi pubbliċi fejn joperaw, ma jħallsux is-sehem ġust tagħhom, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-erożjoni tal-bażi tat-taxxa nazzjonali u għal inugwaljanzi akbar; jisħaq ukoll fuq il-fatt li l-possibilità li l-profitti jiġu ttrasferiti hija disponibbli biss għall-kumpaniji li jwettqu attivitajiet transkonfinali u dan jippenalizza lill-kompetituri li jkunu attivi f'pajjiż wieħed biss;

19.

Josserva bi tħassib kbir li l-evitar tat-taxxa fil-livell korporattiv għandu impatt dirett fuq il-baġits nazzjonali u fuq it-tqassim tal-isforz fiskali bejn il-kategoriji ta' kontribwenti kif ukoll bejn fatturi ekonomiċi (għall-benefiċċju tal-biċċa l-kbira tal-fatturi mobbli bħall-kapital fil-forma ta' IDB); jiddeplora l-fatt li, apparti d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u kundizzjonijiet mhux ugwali, dan jirriżulta f'sitwazzjoni estremament inkwetanti fejn, f'kuntest ta' konsolidament fiskali intensiv u sforzi għal riforma strutturali, uħud minn dawk il-kontribwenti li l-aktar jifilħu jħallsu jikkontribwixxu ammont konsiderevolment anqas minn dawk li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi ekonomika, finanzjarja u tad-dejn, bħaċ-ċittadini ordinarji u d-ditti li ma jużawx pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, li spiss jappartjenu għall-kategorija tal-SMEs u spiss ma jkunux jistgħu jikkompetu ma' korporazzjonijiet multinazzjonali minħabba dan l-iżvantaġġ fiskali komparattiv; jisħaq fuq il-fatt li hemm ir-riskju li din is-sitwazzjoni talimenta l-isfiduċja demokratika u tolqot il-konformità fiskali kumplessiva, b'mod partikolari f'dawk il-pajjiżi li huma suġġetti għal programmi ta' aġġustament; jiddeplora l-fatt li l-informaturi, li jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali, fl-interess pubbliku, b'tagħrif kruċjali dwar imġiba ħażina, għemil ħażin, frodi jew attivitajiet jew prattiki illegali, jistgħu jiġu suġġetti għal proċedimenti ġudizzjarji, kif ukoll għal riperkussjonijiet personali u ekonomiċi; josserva bi tħassib kbir li saħansitra l-ġurnalisti li jiżvelaw prattiki illegali jew illeġittimi ġieli kellhom jaffaċċjaw konsegwenzi simili;

20.

Josserva li riċerka mill-FMI (24) li kopriet 51 pajjiż tikkonkludi li t-trasferiment tal-profitti bejn ġurisdizzjonijiet tat-taxxa jirriżulta f'telf ta' dħul medju ta' madwar 5 % tad-dħul mit-taxxa fuq l-introjtu korporattiv attwali – iżda ta' kważi 13 % fil-pajjiżi li mhumiex fl-OECD; josserva wkoll li, skont il-Kummissjoni, l-evidenza ekonometrika turi li s-sensittività tal-IDB għat-tassazzjoni korporattiva żdiedet matul iż-żmien; jissottolinja l-fatt li, skont studju, hu stmat li kull sena jintilfu EUR 1 triljun mid-dħul potenzjali mit-taxxa minħabba l-effett magħqud tal-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa, inkluża l-ekonomija moħbija, u l-evitar tat-taxxa fl-UE (25), u li l-istimi jindikaw li kull sena qed jintilfu mill-baġits nazzjonali madwar EUR 50-70 biljun bħala riżultat tal-evitar tat-taxxa, iżda li dan it-telf mid-dħul madwar l-UE jista' fir-realtà jammonta għal madwar EUR 160-190 biljun kieku kellhom jitqiesu l-arranġamenti fiskali speċjali, l-ineffiċjenzi fil-ġbir u attivitajiet oħra ta' dan it-tip (26); billi l-Kummissjoni tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp ikkalkolat li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitilfu madwar USD 100 biljun fis-sena mid-dħul minħabba l-evitar tat-taxxa mill-korporazzjonijiet multinazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li dawn iċ-ċifri għandhom jiġu kkunsidrati b'kawtela u għandhom imnejn jissottovalutaw it-telf effettiv għall-baġits nazzjonali, minħabba t-trasparenza limitata u oqfsa kontabilistiċi u kunċettwali differenti madwar id-dinja, li jaffettwaw id-disponibilità ta' data paragonabbli u sinifikanti, u l-affidabilità ta' kwalunkwe stima;

21.

Josserva li l-istrateġiji ta' pjanifikazzjoni fiskali jistgħu jkunu bbażati fuq l-istruttura tal-korporazzjonijiet, l-arranġamenti ta' finanzjament għall-fergħat tagħhom jew l-ipprezzar ta' trasferiment li ma jkunux konnessi ma' attivitajiet ekonomiċi reali, b'mod li jippermetti t-trasferiment artifiċjali tal-profitt bejn il-ġurisdizzjonijiet bil-għan li titnaqqas il-kontribuzzjoni fiskali globali tal-kumpaniji; josserva bi tħassib kbir li fl-UE qed jintuża għadd dejjem jikber ta' kumpaniji tal-isem li ma jkollhom xejn x'jaqsmu ma' kumpanija ħlief għad-denominazzjoni u li jintużaw esklużivament għal finijiet ta' evażjoni tat-taxxa; josserva l-eżempju speċifiku ta' McDonalds, li ntwera f'rapport minn koalizzjoni ta' trade unions li l-prattiki dwar it-taxxa tagħha swew lill-pajjiżi Ewropej aktar minn EUR 1 biljun f'taxxi mitlufa bejn l-2009 u l-2013 (27);

22.

Hu tal-fehma li r-reġimi preferenzjali nazzjonali u l-livell fqir ta' koordinament u konverġenza bejn is-sistemi tat-taxxa tal-Istati Membri, minkejja l-effikaċja tal-interkonnessjonijiet ekonomiċi u tal-interazzjoni fi ħdan is-suq intern, jirriżultaw f'għadd ta' asimmetriji li jippermettu pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, tnaqqis doppju u nontassazzjoni doppja, pereżempju permezz ta' waħda minn dawn il-prattiki li ġejjin jew kombinazzjoni tagħhom: ipprezzar ta' trasferiment abbużiv, lokalizzazzjoni tat-tnaqqis f'ġurisdizzjonijiet b'rata għolja ta' taxxa, trasferiment ta' fondi miġbura b'self permezz ta' kumpaniji veikolari, trasferiment tar-riskju, prodotti finanzjarji ibridi, sfruttament tal-asimmetriji, arbitraġġ fiskali, ftehimiet dwar royalties, tfittxija tal-postijiet bl-aktar trattati favorevoli, u lokalizzazzjoni tal-bejgħ ta' assi f'ġurisdizzjonijiet b'rata baxxa ta' taxxa;

23.

Jisħaq fuq il-fatt li, matul il-missjonijiet tiegħu ta' ġbir ta' informazzjoni f'ħames Stati Membri u fl-Iżvizzera, il-kumitat speċjali tiegħu osserva li għadd ta' miżuri nazzjonali dwar it-taxxa, li ta' spiss jintużaw f'kombinazzjoni mill-korporazzjonijiet multinazzjonali, kellhom il-potenzjal li jkunu prattiki dwar it-taxxa dannużi, b'mod partikolari dawn li ġejjin, li għandhom jiġu kkunsidrati biss bħala lista mhux eżawrjenti:

użu abbużiv tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa jew ftehimiet ta' riżoluzzjoni li jmorru oltre sempliċi kjarifika tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex jinkiseb trattament fiskali preferenzjali,

definizzjonijiet diverġenti ta' stabbiliment permanenti u ta' residenza fiskali,

ftit jew l-ebda kunsiderazzjoni għas-sustanza ekonomika li tippermetti l-ħolqien ta' entitajiet bi skop speċjali (eż. il-kumpaniji tal-isem) bi trattament fiskali iktar baxx,

tnaqqis ta' mgħax nozzjonali (li jippermetti li l-kumpaniji jnaqqsu mill-introjtu taxxabbli tagħhom imgħax fittizju, ikkalkolat abbażi tal-ekwità tal-azzjonisti tagħhom),

prattiki ta' deċiżjonijiet dwar profitt eċċessiv (li permezz tagħhom kumpanija tista' tikseb konferma bil-miktub mingħand l-amministrazzjoni tat-taxxa li l-introjtu taxxabbli tagħha ma jinkludix dawk il-profitti li kieku ma kinux jitwettqu f'sitwazzjoni fejn il-kumpanija kienet qed topera b'mod 'awtonomu' barra mill-grupp),

dispożizzjonijiet mhux ċari jew mhux ikkoordinati dwar l-ipprezzar ta' trasferiment,

għadd ta' reġimi preferenzjali, b'mod partikolari fir-rigward ta' assi intanġibbli (privattivi, għarfien jew rati aħjar għad-dħul mill-proprjetà intellettwali),

rimborż tat-taxxa minn ras il-għajn fuq imgħax, dividendi u royalties jew eżenzjoni minnha permezz ta' trattati fiskali bilaterali u/jew skont kif stipulat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali,

differenzi fid-denominazzjonijiet ġuridiċi bejn l-Istati Membri (entitajiet ibridi jew self ibridu, fejn l-ispejjeż tal-imgħax jinbidlu għal dividendi eżentati),

fil-każ tal-Iżvizzera, reġimi fiskali speċjali fil-livell kantunali għall-kumpaniji taħt kontroll barrani li mhumiex disponibbli għall-kumpaniji taħt kontroll nazzjonali (l-hekk imsejħa reġimi ta' delimitazzjoni),

nuqqas ta' regoli ġenerali jew speċifiċi kontra l-abbuż jew infurzar jew interpretazzjoni dgħajfa tat-tali regoli,

u strutturi li jistgħu jaħbu lis-sid benefiċjarju ta' assi u ma jistgħux jiġu suġġetti għal reġimi ta' skambju ta' informazzjoni, bħat-trusts u l-hekk imsejħa “freeports”;

24.

Jieħu nota li, skont il-Kummissjoni (28), 72 % tat-trasferiment tal-profitti fl-UE jseħħ permezz tal-kanali tal-ipprezzar ta' trasferiment u l-lokalizzazzjoni tal-proprjetà intellettwali;

25.

Jisħaq fuq il-fatt li għadd ta' Stati Membri f'dawn l-aħħar snin żviluppaw skemi speċifiċi għat-tnaqqis tat-taxxa korporattiva biex jattiraw l-assi intanġibbli mobbli tal-kumpaniji, bħall-introjtu li jirriżulta mill-proprjetà intellettwali; josserva l-varjetà fit-tnaqqis u l-allowances fir-rata tat-taxxa u fl-ambitu tal-iskemi proposti (rati preferenzjali għad-dħul mill-innovazzjoni, mill-proprjetà intellettwali, mill-iżvilupp tal-għarfien, mill-privattivi, eċċ.); jisħaq fuq il-fatt li, f'xi Stati Membri, il-kontribwenti m'għandhomx bżonn jipproduċu l-proprjetà intellettwali huma nnfushom u/jew f'dak il-pajjiż stess biex ikollhom aċċess għall-benefiċċji fiskali, iżda sempliċiment jakkwistawha permezz ta' kumpanija li r-residenza tagħha tkun fil-ġurisdizzjoni; jisħaq, għalhekk, fuq il-fatt li kwalunkwe benefiċċju fiskali għar-riċerka u l-iżvilupp irid ikun marbut ma' nefqiet reali f'dik il-ġurisdizzjoni;

26.

Jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li diġà jista' jintalab tnaqqis mit-taxxa tal-ispejjeż ta' riċerka u żvilupp taħt is-sistemi tat-taxxa nazzjonali anke mingħajr l-użu ta' rati preferenzjali għad-dħul mill-privattivi, u li rati preferenzjali ta' dan it-tip għaldaqstant jikkontribwixxu għall-evitar tat-taxxa b'mod li jmur kontra s-sistema;

27.

Jikkunsidra li t-tali skemi huma eżempji ta' kompetizzjoni fiskali dannuża bejn stati, billi filwaqt li r-relazzjoni tagħhom mal-ekonomija reali u l-impatt tagħhom fuqha fil-biċċa l-kbira tal-każi jkunu ineżistenti, dawn ikollhom l-effett li jnaqqsu d-dħul fiskali ta' pajjiżi oħra, inklużi Stati Membri; josserva li, f'eżami tal-inċentifivi fiskali għar-riċerka u l-iżvilupp, il-Kummissjoni (29) sabet li jidher aktar probabbli li r-rati preferenzjali għad-dħul mill-privattivi jillokalizzaw mill-ġdid l-introjtu korporattiv milli jqanqlu l-innovazzjoni;

28.

Jisħaq fuq il-fatt li, f'ambjent ekonomiku kkaratterizzat minn aktar assi intanġibbli, l-ipprezzar ta' trasferimenti jiġi spiss affettwat min-nuqqas ta' tranżazzjonijiet paragunabbli u punti ta' riferiment, u minħabba f'hekk, l-applikazzjoni soda u r-rilevanza tal-prinċipju ta' distakkament, skont liema l-ipprezzar tat-tranżazzjonijiet bejn entitajiet li jappartjenu għall-istess grupp korporattiv għandu jiġi vvalutat bl-istess mod daqs li kieku kienu bejn entitajiet indipendenti, saru eżerċizzju diffiċli;

29.

Josserva li l-linji gwida eżistenti dwar l-ipprezzar ta' trasferiment iħallu marġini ta' diskrezzjoni sinifikanti għall-korporazzjonijiet multinazzjonali fl-għażla u l-implimentazzjoni tal-metodi ta' evalwazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqas ta' kwalunkwe standard komuni effikaċi għall-ipprezzar ta' trasferiment u d-diversi derogi, eċċezzjonjiet u alternattivi previsti qed jiġu sfruttati mill-korporazzjonijiet multinazzjonali, f'kontradizzjoni għall-ispirtu ta' dawk il-linji gwida, biex jikkalibraw il-profitti taxxabbli tagħhom skont il-ġurisdizzjoni u jnaqqsu l-obbligazzjonijiet fiskali kumplessivi tagħhom, pereżempju, permezz ta' użu abbużiv tas-sistema 'cost-plus', iffissar arbitrarju tal-marġnijiet ta' profitt jew esklużjoni diskutibbli ta' ċerta nefqa mill-kalkolu tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li l-aħjar mod kif tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-ipprezzar ta' trasferiment fil-livell tal-UE hu permezz ta' konsolidament tal-bażi tat-taxxa komuni, li jelimina l-ħtieġa għal dawn il-prezzijiet;

30.

Jissottolinja l-fatt li l-fajls bl-ipprezzar ta' trasferiment li jiġu sottomessi mill-korporazzjonijiet multinazzjonali jew mir-rappreżentanti tagħhom ma jistgħux jiġu mmonitorjati b'mod xieraq mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa, li spiss ma jkollhomx biżżejjed tagħmir u persunal biex jeżaminaw b'mod kritiku u bir-reqqa dawk l-analiżijiet u u l-eżitu jew l-impatt tagħhom;

31.

Jiddeplora l-fatt li, f'kuntest ekonomiku li fih 60 % tal-kummerċ dinji huwa wieħed intragrupp (30), il-linji gwida għall-applikazzjoni ta' dan il-kunċett purament ekonomiku huma frammentati fil-livell nazzjonali u għalhekk suġġetti għal inkonsistenzi bejn l-Istati Membri u għal tilwim ġuridiku;

32.

Jissottolinja, barra minn hekk, il-fatt li, minkejja l-għadd sinifikanti ta' tilwim ġuridiku fl-UE li jirriżulta minn interpretazzjonijiet differenti tal-istess prinċipji tal-ipprezzar ta' trasferiment, ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni tat-tilwim effiċjenti fil-livell Ewropew; josserva li s-soluzzjoni tal-każijiet imressqa quddiem il-konvenzjoni ta' arbitraġġ tal-UE dwar l-ipprezzar ta' trasferiment tista' tieħu sa tmien snin, u dan jikkontribwixxi għall-inċertezza tad-dritt għall-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa;

33.

Jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tad-ditti kontabilistiċi l-kbar, inklużi 'l-Erbgħa l-Kbar', fit-tfassil u fil-kummerċjalizzazzjoni tad-deċiżjonijiet u l-iskemi ta' evitar tat-taxxa biex jiġu sfruttati l-asimmetriji bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li dawk id-ditti, li jidher li jisiltu ammont konsiderevoli tad-dħul tagħhom minn servizzi fiskali, b'mod li għandhom pożizzjoni dominanti fil-biċċa l-kbira tas-swieq awdittivi tal-Istati Membri u waħda ta' prevalenza fis-servizzi globali ta' konsulenza fiskali, jikkostitwixxu oligopolija stretta; jikkunsidra li sitwazzjoni ta' dan it-tip ma tistax tkompli mingħajr ma tagħmel ħsara għall-funzjonament tas-Suq Uniku fl-oqsma ta' attività tal-'Erbgħa l-Kbar'; jiġbed l-attenzjoni għall-kunflitt ta' interess li jirriżulta mill-fatt li qed jitqiegħdu flimkien l-elementi kontrastanti, fi ħdan l-istess ditti, ta' konsulenza fiskali u ta' attivitajiet ta' konsulenza maħsuba, minn naħa, għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u, min-naħa l-oħra, għas-servizzi ta' pjanifikazzjoni fiskali tal-korporazzjonijiet multinazzjonali, li jisfruttaw id-dgħufijiet tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tat-taxxa; hu tal-fehma li l-prattiki tajba f'dan ir-rigward jeħtieġ li jiġu promossi u li l-kodiċijiet ta' kondotta eżistenti għandhom jittejbu; jikkontesta, madankollu, l-effikaċja tal-kodiċijiet ta' kondotta korporattivi u l-politiki dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva fl-indirizzar ta' din il-kwistjoni; jissottolinja l-fatt li d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, fl-UE u fid-dinja kollha, saru prattika kummerċjali komuni, mhux biss biex tinkiseb iċ-ċertezza tad-dritt jew akkordji fiskali vantaġġużi, iżda anke fil-każijiet fejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ma jippermettu l-ebda lok għal interpretazzjoni; jinsab imħassab mill-istimi tal-industrija ta' konsulenza fiskali li, jekk skema ta' pjanifikazzjoni fiskali jkollha mqar 50 % ċans li tkun legali, dan ikun biżżejjed biex tiġi rrakkomandata ill-klijenti (31);

34.

Jappella lill-awtoritajiet tat-taxxa biex itejbu u jiddiversifikaw is-sorsi tagħhom ta' għarfien espert u biex itejbu sostanzjalment il-proċess ta' valutazzjoni tal-impatt sabiex inaqqsu r-riskji li miżuri fiskali ġodda jkollhom konsegwenzi mhux mistennija; ifakkar lill-Istati Membri li mhumiex biss id-differenzi bejn is-sistemi tat-taxxa, iżda anke kumplessità eċessivament kbira tas-sistemi tat-taxxa nazzjonali u stabilità baxxa, b'bidliet wisq frekwenti, li jikkontribwixxi b'mod importanti għall-ħolqien ta' lakuni fiskali, inġustizzji fis-sistemi tat-taxxa u kredibilità baxxa tal-politika ta' tassazzjoni; jissottolinja f'dan ir-rigward l-ostakolu li hi l-frammentazzjoni fiskali għall-ħolqien ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali Ewropej;

Is-sitwazzjoni attwali u valutazzjoni tal-azzjonijiet tal-UE, dawk nazzjonali u dawk internazzjonali

35.

Jirrikonoxxi li, b'segwitu għall-kriżi ekonomika u, barra minn hekk, għall-iskandlu Luxleaks, l-indirizzar tal-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva min-naħa tal-korporazzjonijiet multinazzjonali kien prijorità għolja fuq l-aġenda politika tal-Istati Membri, tal-UE, tal-OECD u tal-G20, iżda jiddispjaċih li, s'issa, apparti l-proġett tal-OECD dwar il-BEPS sponsorjat mill-G20 li għadu kif tlesta imma għadu ma ġiex implimentat mill-pajjiżi, ma sar l-ebda progress sinifikanti f'termini prattiċi;

36.

Josserva, f'dan il-kuntest, li ħafna Stati Membri introduċew jew għandhom l-intenzjoni li jadottaw miżuri biex jindirizzaw l-evitar tat-taxxa, b'mod partikolari fir-rigward tal-limitazzjoni tal-possibilità li l-imgħax jitnaqqas mit-taxxa dovuta, regoli kontra l-abbuż, definizzjoni aħjar tal-kunċett ta' stabbiliment permanenti (inkluż l-iżvilupp ta' testijiet tas-sustanza ekonomika li jiddeterminaw il-preżenza taxxabbli tad-ditti b'mod aktar effikaċi), il-possibilità li d-ditti li ma jġibux ruħhom sew jiġu esklużi minn sejħiet pubbliċi għal offerti jew il-pubblikazzjoni ta' skemi ta' pjanifikazzjoni fiskali li jistgħu jkunu strumentali biex is-sistema tat-taxxa terġa' tikseb il-kredibilità u biex jitnaqqas iż-żmien bejn meta jiġu stabbiliti skemi speċifiċi u meta tiġi adottata azzjoni korrettiva, inkluż fil-livell leġiżlattiv;

37.

Jinsab imħasseb, madankollu, li fin-nuqqas ta' approċċ kooperattiv, il-miżuri unilaterali meħuda mill-Istati Membri kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fil-kumplessità, b'mod li jiġu ġġenerati asimmetriji ġodda u, bħala riżultat ta' dan, aktar opportunitajiet biex tiġi evitata t-taxxa fi ħdan is-suq intern; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe implimentazzjoni diverġenti mill-Istati Membri tal-linji gwida internazzjonali jew tal-UE jista' jkollha l-istess effett;

38.

Japprezza d-diversi inizjattivi u proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni matul dawn l-aħħar 20 snin, inklużi dawk l-aktar reċenti, immirata biex ikun hemm ċaqliqa lejn koordinament aktar b'saħħtu tas-sistemi tat-taxxa korporattiva tal-Istati Membri, bil-ħsieb li jissaħħaħ is-suq intern, li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' tassazzjoni doppja jew ta' nontassazzjoni doppja u li jiġi ppreżervat id-dritt tal-Istati Membri li jintaxxaw b'mod effikaċi; jiddeplora madankollu l-fatt li, sal-lum, il-Kunsill adotta biss għadd żgħir minnhom, minħabba r-rekwiżit ta' unanimità u l-fatt li ċerti Stati Membri jibqgħu jaħsbu li jistgħu jakkwistaw aktar fuq livell individwali mil-lakuni fis-sistema tat-taxxa mhux ikkoordinata milli kieku jagħmlu b'mod kollettiv f'waħda kkoordinata;

39.

Jilqa' b'sodisfazzjoni l-pubblikazzjoni ta' sett ġdid ta' politiki fiskali u jappella lill-Kummissjoni biex tipprova tiżgura sistema tat-taxxa ġusta abbażi tal-prinċipju ta' tassazzjoni fl-Istat Membru fejn jiġu ġġenerati l-profitti, filwaqt li jiġu evitati d-distorsjoni tas-suq intern u kompetizzjoni inġusta;

40.

Jisħaq fuq il-fatt li l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta rigward it-Tassazzjoni tal-Impriżi (“il-Grupp”), li twaqqaf fl-1998 mill-Istati Membri, ippermetta li, lejn l-aħħar tas-snin 1990 u l-bidu tas-snin 2000, jiġu eliminati dawk il-prattiki dwar it-taxxa li dak iż-żmien kienu l-aktar dannużi fuq livell individwali billi ntuża approċċ li, permezz ta' provvedimenti mhux vinkolanti, segwa żewġ binarji sabiex gradwalment ġew eliminati l-miżuri fiskali eżistenti li kienu jikkostitwixxu kompetizzjoni fiskali dannuża u sabiex l-awtoritajiet responsabbli joqogħdu lura milli jintroduċu tali miżuri fil-ġejjieni (“status quo”);

41.

Jiddeplora l-fatt li jidher li l-ħidma tal-Grupp tilfet l-impetu tagħha; josserva li wħud mill-aktar minn 100 miżura li gradwalment ġew eliminati bħala riżultat tal-attività tiegħu ġew sostitwiti fl-Istati Membri permezz ta' miżuri fiskali b'effetti dannużi simili; josserva li l-awtoritajiet tat-taxxa kkontrobattew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp billi ħolqu strutturi ġodda bl-istess effetti dannużi bħal dawk eliminati mill-Grupp; jiddeplora l-fatt li t-tentattivi tal-imgħoddi biex jissaħħu l-governanza u l-mandat tiegħu, u biex jiġu aġġustati u estiżi l-metodi ta' ħidma u l-kriterji stabbiliti fil-Kodiċi, bil-għan li jiġu miġġielda forom ġodda ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi fi ħdan l-ambjent ekonomiku attwali, ma rnexxewx; jappoġġa l-aktar proposti reċenti tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett, kif stabbiliti fil-pjan ta' azzjoni tagħha tas-17 ta' Ġunju 2015 għal tassazzjoni korporattiva ġusta u effiċjenti fl-UE;

42.

Jiddeplora l-fatt li, minkejja l-objettivi ambizzjużi li ilhom jitħabbru mill-1997, għad fadal kompetizzjoni fiskali bejn l-Istati Membri, li aktar milli mid-differenzi fir-rati tat-taxxa tirriżulta mill-eteroġeneità tar-regoli nazzjonali biex jiġi stabbilit x'jikkostitwixxi profitti taxxabbli, u invarjabbilment dan ilu diversi deċennji jiġi illustrat mid-diskrepanzi bejn ir-rati nominali u effettiv tat-taxxa korporattiva applikati mill-Istati Membri;

43.

Jiddeplora wkoll il-fatt li l-istatus u l-arranġamenti ta' governanza oriġinali tal-Grupp ħallew wisq marġni għal negozjar u kompromessi politiċi fit-tfittxija biex jintlaħaq “kunsens wiesa'” (jiġifieri effettivament kważi l-unanimità, bil-possibilità li n-nuqqas ta' qbil jitniżżel fin-noti ta' qiegħ il-paġna) rigward il-valutazzjoni ta' prattiki dannużi, biex b'hekk intlaqtu l-affidabilità u l-kompletezza ta' ħidmietu u ġieli wassal biex deliberatament ir-rapporti ma ġewx ippubblikati jew ma ngħatalhomx segwitu, bħal ma ġara fil-każ tar-rapport tal-1999 minn Simmons & Simmons dwar prattiki amministrattivi; jikkunsidra li hu ta' dispjaċir li l-eliminazzjoni tal-miżuri eżistenti sofriet minn dewmien politiku u, f'xi każijiet, ippermettiet l-inklużjoni ta' benefiċjarji ġodda wara d-data ta' skadenza, u dan ukoll kellu x'jaqsam mal-mekkaniżmi dgħajfa ħafna tal-Grupp fir-rigward tal-obbligi li jagħti rendikont ta' għemilu u ta' monitoraġġ;

44.

Jisħaq b'mod aktar fundamentali fuq il-fatt li l-approċċ tal-Kodiċi li jqis kull każ individwalment, waqt li rriżulta biex l-Istati Membri issa qed jikkompetu aktar b'miżuri ġenerali, ma jindirizzax id-dgħufijiet sistemiċi ta' qafas tat-taxxa korporattiva fframmentat fl-UE, li jirrikjedi reviżjoni aktar sustanzjali;

45.

Josserva wkoll l-isforzi li saru permezz tal-ħolqien tal-Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa, li tlaqqa' madwar l-istess mejda diversi partijiet interessati bil-għan li jinħoloq kunsens madwar il-kwistjoni tal-evitar tat-taxxa, b'mod partikolari f'kuntest internazzjonali, u tal-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment, li joħroġ għadd ta' linji gwida dwar il-kwistjonijiet tekniċi madwar l-ipprezzar ta' trasferiment; jisħaq fuq il-fatt li, sal-lum, dawn il-korpi kkontribwixxew biex saru korrezzjonijiet limitati għall-qafas tat-taxxa korporattiva; jiddispjaċih li l-linji gwida maħruġa mill-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment s'issa għadhom ma indirizzawx biżżejjed il-kwistjoni tal-evitar tat-taxxa; jiddeplora l-fatt li l-kompożizzjoni tal-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment, minkejja aġġornament reċenti tal-membri tiegħu, għadha żbilanċjata; joġġezzjona, barra minn hekk, għall-fatt li l-esperti tat-taxxa jikkontribwixxu għall-ħidma fuq il-linji gwida dwar l-ipprezzar ta' trasferiment, filwaqt li, fl-istess ħin, jistgħu jkunu qed jagħtu pariri lill-klijenti tagħhom dwar strateġiji ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva bbażati fuq l-ipprezzar ta' trasferiment, u b'hekk ikunu f'pożizzjoni ta' kunflitt ta' interess;

46.

Jisħaq fuq il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-UE (id-Direttivi dwar Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji, dwar Pagamenti ta' Mgħax u ta' Royalties, dwar il-Mergers u dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva) minkejja li tkopri aspetti limitati marbuta mat-tassazzjoni korporattiva, kienet kapaċi tindirizza l-kwistjonijiet speċifiċi li jaffaċċjaw l-Istati Membri u d-ditti li joperaw f'diversi pajjiżi; jevidenzja l-fatt li dawn il-miżuri, li oriġinarjament kienu maħsuba biex jeliminaw it-taxxa doppja, għandhom xi effetti kontroproduttivi mhux mistennija fuq l-evitar tat-taxxa u ġieli jwasslu għal taxxa doppja; japprezza l-adozzjoni reċenti mill-Kunsill ta' emendi għad-Direttiva dwar Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji li l-għan tagħhom hu l-introduzzjoni ta' klawsola ġenerali kontra l-abbużi u l-indirizzar tal-asimmetriji fis-self ibridu, u li se jidħlu fis-seħħ fi tmiem l-2015, fl-istennija li se jgħinu biex jitneħħew uħud mill-opportunitajiet għall-evitar tat-taxxa fl-UE;

47.

Ifakkar fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva li għandhom l-għan li jimplimentaw l-iskambju tal-informazzjoni fiskali rilevanti kollha; hu tal-fehma li skambju awtomatiku, immedjat u komprensiv, u pproċessar effiċjenti tal-informazzjoni fiskali kieku jkollhom effett ta' deterrent qawwi kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-introduzzjoni ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi u jippermettu li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkollhom l-informazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jirreaġixxu għalihom;

48.

Jiddeplora l-fatt li l-qafas leġiżlattiv u ta' monitoraġġ attwali għall-iskambju ta' informazzjoni rigward miżuri dwar it-taxxa mhuwiex effikaċi, peress li l-evidenza wriet li r-rekwiżiti eżistenti għal skambji ta' informazzjoni spontanji jew fuq talba mhumiex qed jiġu osservati; jiddeplora l-fatt li prattikament l-ebda Stat Membru ma jiskambja kwalunkwe informazzjoni li jista' jkollha effett fuq il-pajjiżi sħab tal-UE; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' koordinament bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

49.

Jiddispjaċih li l-informazzjoni fiskali kważi qatt ma tiġi skambjata b'mod spontanju bejn l-Istati Membri; jilqa' b'sodisfazzjon l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni li ma jibqax imsejjes fuq ir-reċiproċità; jiġbed l-attenzjoni għall-problemi fid-disinn strutturali ta' sistema bbażata fuq id-diskrezzjoni fir-rigward ta' x'għandu jiġi kkomunikat jew le u akkumpanjata minn sistemi ta' monitoraġġ dgħajfa, li minħabba fihom hu diffiċli ferm li jiġi identifikat kwalunkwe ksur tar-rekwiżit tal-iskambju ta' informazzjoni;

50.

Japprezza l-impenn tal-Kummissjoni favur il-promozzjoni tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni fiskali bħala l-istandard tal-ġejjieni fil-livell Ewropew u f'dak internazzjonali fil-qasam tat-trasparenza; iħeġġiġha biex, bħala pass inizjali, tissodisfa dmirha bħala l-gwardjana tat-Trattati u tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li jkun hemm il-konformità dovuta mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri stabbilit fit-Trattati; jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta mill-grupp ta' esperti dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji biex jiġu eżaminati l-possibiltajiet li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu appoġġati bi skambju awtomatiku ta' informazzjoni billi jiġu konċessi ftehimiet ta' skambju mhux reċiproċi;

51.

Josserva li r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat u dwar sanzjonijiet huma utli bħala mezz biex jiġu indirizzati l-prattiki dwar it-taxxa dannużi li jinvolvu l-aktar abbuż u distorsjoni u jista' jkollhom effett ta' deterrent sinifikanti;

52.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-Pakkett ta' Trasparenza Fiskali ta' Marzu 2015 tal-Kummissjoni dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar id-deċiżjonijiet tagħhom fil-qasam tat-taxxa u l-pjan ta' azzjoni ta' Ġunju 2015 għal sistema tat-taxxa korporattiva ġusta u effiċjenti fl-UE; jisħaq fuq il-fatt li, madankollu, dawn it-testi jistgħu jitqiesu biss bħala passi inizjali fid-direzzjoni t-tajba u li hemm bżonn ta' qafas konsistenti ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi u ta' koordinament amministrattiv bħala kwistjoni ta' urġenza, anke għall-benefiċċju tal-SMEs u ta' dawk il-korporazzjonijiet multinazzjonali li qed jgħinu biex joħolqu tkabbir ekonomiku ġenwin u li jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxi fi ħdan is-suq intern;

53.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim riċenti dwar il-pjan ta' azzjoni tal-OECD dwar il-BEPS li, b'segwitu għal appelli suċċessivi għal azzjoni waqt is-Summits tal-G7 u G20, ijipprova jindirizza l-kwistjonijiet individwali li jaffettwaw il-funzjonament tas-sistema fiskali korporattiva internazzjonali billi jipproponi azzjoni globali u sistematika biex jiġu affrontati; jiddispjaċih l-inklużjoni tardiva u inugwali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-proċess tal-OECD dwar il-BEPS, li misshom ipparteċipaw fih b'mod ekwu; jiddispjaċih ukoll li xi eżiti tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-BEPS ma jmorrux oltre f'oqsma bħal reġimi fiskali dannużi, l-ekonomija diġitali u t-trasparenza;

54.

Josserva li, b'segwitu għal analiżi sistematika tal-'punti ta' pressjoni' tas-sistema fiskali internazzjonali, il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-BEPS tqassam fuq 15-il punt ta' azzjoni, li sebgħa minnhom ġew approvati mill-G20 f'Novembru 2014, waqt li l-oħrajn twettqu f'Ottubru 2015; jisħaq fuq il-fatt li, fil-kuntest ta' ambjent kummerċjali li qed jevolvi, dawn l-azzjonijiet għandhom l-għan li jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' trasparenza, pereżempju billi jinħarġu linji gwida dwar is-sistema ta' rapporti għal kull pajjiż, in-nuqqas ta' sustanza f'ċerti arranġamenti għall-evitar tat-taxxa u aktar konsistenza fir-regoli internazzjonali;

55.

Iwissi, madankollu, kontra kompromessi li jistgħu ma jilħqux l-ambizzjonijiet inizjali jew iwasslu għal interpretazzjonijiet diverġenti fil-livell nazzjonali; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li s'issa ma sar kważi l-ebda monitoraġġ effikaċi tal-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-OECD fil-pajjiżi li approvawhom, u li lanqas is-soluzzjonijiet bl-aħjar disinn ma jistgħu jkunu effikaċi jekk ma jiġux immonitorati u implimentati b'mod xieraq;

56.

Jisħaq fuq in-natura komplementari tal-attività tal-UE u tal-OECD f'dan il-qasam; hu tal-fehma li, minħabba l-livell ta' integrazzjoni tagħha, jeħtieġ li l-UE tmur oltre l-proposti dwar il-BEPS f'termini ta' koordinament u konverġenza mmirati biex jevitaw kull forma ta' kompetizzjoni fiskali dannuża fi ħdan is-suq intern; jinsab konvint li, filwaqt li tiżġura li ma jkunx hemm effetti negattivi fuq il-kompetittività tagħha, l-UE tista' tistabbilixxi għodod aktar effikaċi biex tiżgura kompetizzjoni fiskali ġusta u d-dritt tal-Istati Membri li joperaw sistema ta' tassazzjoni effikaċi fuq il-profitti ġġenerati fit-territorji tagħhom;

L-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-istat: ħarsa ġenerali u riżultati

57.

Jisħaq fuq il-fatt li, fi ħdan is-suq intern, dawk li jkunu għadhom kif daħlu fis-suq u d-ditti, inklużi l-SMEs, li ma jużawx prattiki fiskali aggressivi huma ppenalizzati fil-konfront tal-korporazzjonijiet multinazzjonali, li jistgħu jittrasferixxu l-profitti jew jimplimentaw forom oħra ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva permezz ta' varjetà ta' deċiżjonijiet u strumenti li huma disponibbli għalihom biss minħabba d-daqs tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jirranġaw in-negozju tagħhom fuq livell internazzjonali; josserva bi tħassib li, f'parità ta' ċirkostanzi, l-obbligazzjonijiet tat-taxxa aktar baxxi li jirriżultaw iħallu lil dawn il-korporazzjonijiet multinazzjonali b'aktar profitt wara t-taxxa u b'hekk joħolqu sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet ma jkunux indaqs għall-kompetituri tagħhom fis-suq uniku, li ma jistgħux jirrikorru għal pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u li jżommu r-rabta bejn il-post fejn jiġġeneraw il-profitt u dak fejn jiġu ntaxxati; jindika li din id-distorsjoni ta' kundizzjonijiet ta' parità fil-qasam tal-kompetizzjoni favur il-korporazzjonijiet multinazzjonali tmur kontra l-prinċipju fundamentali tas-suq uniku;

58.

Jisħaq fuq il-fatt li l-OECD (32) tindika l-użu minn xi korporazzjonijiet multinazzjonali ta' strateġiji li jippermettulhom iħallsu ammont ta' taxxi korporattivi li bilkemm ikun ta' 5 % meta l-impriżi ż-żgħar qed iħallsu sa 30 %, u jinsab profondament imħasseb dwar il-fatt li, skont xi studji (33), il-kontribuzzjoni tat-taxxa korporattiva tal-kumpaniji transkonfinali hi sa 30 % inqas, bħala medja, minn dak tal-kumpaniji domestiċi li joperaw f'pajjiż wieħed biss; iqis li hu inaċċettabbli li, bħala riżultat ta' dawk l-istrateġiji, xi korporazzjonijiet multinazzjonali jistgħu jħallsu rata effettivament baxxa ħafna tat-taxxa korporattiva filwaqt li xi SMEs ikollhom iħallsu s-sehem sħiħ tagħhom tat-taxxa;

59.

Jisħaq fuq il-fatt li din id-distorsjoni tad-deċiżjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, li jittieħdu abbażi tar-redditu mistenni wara t-taxxa, tirriżulta f'allokazzjoni subottimali tar-riżorsi fi ħdan l-UE u għandha t-tendenza li tbaxxi l-livell ta' kompetizzjoni, u b'hekk qed taffettwa t-tkabbir u l-impjiegi;

60.

Jissottolinja l-fatt li xi prattiki dwar it-taxxa dannużi jistgħu jaqgħu fl-ambitu tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat relatati mat-taxxa, b'mod partikolari peress li dawn jistgħu, bl-istess mod, jagħtu vantaġġ 'selettiv' u jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern; josserva li, fl-imgħoddi, il-proċessi fil-qasam tal-għajnuna mill-istat u tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta sostnew lil xulxin b'mod reċiproku, b'mod partikolari fl-1999 u fl-ewwel nofs tas-snin 2000; jisħaq fuq il-fatt li l-infurzar tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni inkluda pressjoni ġuridika biex tikkomplementa il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet permezz ta' provvedimenti mhux vinkolanti fil-Grupp, bħala kumpens parzjali għan-nuqqas ta' kwalunkwe għodda effikaċi ta' tip ieħor biex tiġi rimedjata l-kwistjoni tal-evitar tat-taxxa fil-livell tal-UE;

61.

Jirrikonoxxi l-iżviluppi importanti li seħħew f'dawn l-aħħar 20 sena fir-rigward tal-qafas analitiku tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat relatata mat-taxxa, u li ppermettew li jkun hemm aktar ċarezza fid-definizzjoni u l-analiżi tal-għajnuna mill-istat permezz ta' miżuri fiskali, kif ukoll azzjoni aktar sistematika kontra l-miżuri ta' dan it-tip; josserva, b'mod partikolari, il-linji gwida tal-Kummissjoni tal-1998 dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni diretta tal-impriżi, ir-rapport dwarhom tal-2004 u diversi deċiżjonijiet ta' ġurisprudenza importanti fis-snin 2000; jilqa' b'sodisfazzjoni, fi ħdan il-proċess ta' Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat promoss mill-Kummissjoni, it-tnedija fl-2014 ta' konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta' linji gwida mmirati biex jiċċaraw il-kunċett ta' għajnuna mill-istat skont l-Artikolu 107 TFUE, li jinkludi elementi dwar l-għajnuna mill-istat relatata mat-taxxa u, b'mod partikolari, deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa;

62.

Josserva li, f'dawn l-aħħar deċennji, feġġet ġurisprudenza dejjem aktar stabbli tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-istat għall-miżuri fiskali tal-Istati Membri, l-aktar reċentement fil-kawża ta' Ġibiltà fl-2011 (34);

63.

Josserva li l-Qorti tal-Ġustizzja saħqet fuq il-prinċipju li 'is-sustanza għandha prevalenza fuq il-forma' u għalhekk li l-impatt ekonomiku ta' miżura hu l-kriterju ta' riferiment għall-evalwazzjoni tagħha;

64.

Josserva, għalhekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja, mill-projbizzjoni ta' għajnuna mill-istat, nisslet rekwiżiti estensivi dwar ir-responsabilità leġiżlattiva tal-Istati Membri f'materji ta' taxxa;

65.

Josserva li l-kunċett ta' 'in-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema nazzjonali' jservi ta' riferiment ċentrali fil-valutazzjoni ta' jekk miżuri fiskali diretti jew indiretti humiex selettivi jew le, u għaldaqstant humiex kompatibbli jew le mas-suq intern, u li kull għajnuna mill-istat għandha tiġi vvalutata fir-rigward tal-ekwilibriju li kien jeżisti qabel; jisħaq fuq il-fatt li, peress li l-punt ta' riferiment għall-UE biex tivvaluta distorsjoni potenzjali huwa s-sistema nazzjonali ta' riferiment (35), mhux kull distorsjoni tal-kompetizzjoni u kull prattika dwar it-taxxa dannuża fi ħdan is-suq intern jistgħu jiġu koperti mir-regoli attwali dwar il-kompetizzjoni; josserva, għalhekk, li l-infurzar sħiħ ta' dawn ir-regoli waħdu kieku ma jippermettix li tissolva l-kwistjoni dwar l-evitar tat-taxxa korporattiva fl-UE;

66.

Josserva li, skont id-data pprovduta lill-kumitat speċjali kompetenti tiegħu (36) mill-Kummissjoni, kienu biss 65 il-każijiet ta' għajnuna mill-istat relatati mat-taxxa li, mill-1991 'l hawn, ġew eżaminati formalment mill-Kummissjoni, li minnhom 7 kienu deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u 10 biss li oriġinaw minn notifiki formali mill-Istati Membri;

67.

Jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni ttrattat biss għadd żgħir ta' każijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-istat relatata mat-taxxa fit-tieni nofs tas-snin 2000, u li l-aktar proċedimenti reċenti fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat jinkludu:

it-tnedija, f'Ġunju 2013, ta' inkjesta dwar il-prattiki ta' deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa f'seba' Stati Membri, li ġiet estiża għall-Istati Membri kollha f'Diċembru 2014,

il-ftuħ, f'Ottubru 2013, ta' investigazzjoni dwar jekk ir-reġim tat-taxxa korporattiva ta' Ġibiltà jiffavorixxix ċerti kumpaniji, li f'Ottubru 2014 ġiet estiża biex teżamina wkoll id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa f'dan it-territorju,

b'mod parallel, it-tnedija ta' inkjesta separata dwar ir-reġimi ta' tassazzjoni tal-proprjetà intellettwali (rati preferenzjali għad-dħul mill-privattivi),

il-ftuħ, f'Ġunju 2014, ta' investigazzjonijiet formali fi tliet każijiet: Apple fl-Irlanda, Fiat Finance and Trade fil-Lussemburgu u Starbucks fin-Netherlands, konklużi f'Ottubru 2015, u segwiti, f'Ottubru 2014, minn Amazon fil-Lussemburgu,

il-ftuħ, fi Frar 2015, ta' investigazzjoni formali dwar skema tat-taxxa fil-Belġju (sistema ta' deċiżjonijiet dwar profitt eċċessiv);

68.

Jisħaq fuq il-fatt li l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni li għaddejjin attwalment u li tlestew u l-każijiet żvelati permezz ta' Luxleaks jindikaw li xi Stati Membri ma ssodisfawx l-obbligu ġuridiku tagħhom (37) li jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-fajls kollha dwar għajnuna mill-istat potenzjali;

69.

Jisħaq fuq il-fatt li dawn l-investigazzjonijiet jixħtu dawl biss fuq kampjun limitat ħafna ta' xi prattiki tipiċi li jaffettwaw il-profitt taxxabbli allokat lis-sussidjarji ta' xi korporazzjonijiet multinazzjonali permezz tal-ipprezzar ta' trasferiment; jinseb imħasseb li r-riżorsi attwali tas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni jistgħu jillimitaw il-kapaċità tagħha li tamministra għadd konsiderevolment akbar ta' każijiet u li twettaq verifiki sistematiċi sabiex taċċerta jekk hemmx prattiki ulterjuri, apparti dawk abbażi tal-ipprezzar ta' trasferiment, fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva li jistgħu jkunu konfliġġenti mal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-istat;

70.

Jappoġġa bil-qawwa lill-Kummissjoni fl-approċċ tagħha, li jinvolvi t-teħid taż-żmien meħtieġ biex tikkunsidra l-każijiet li għaddejjin bħalissa bir-reqqa u bid-diliġenza dovuta kollha; jemmen li l-eżitu tal-investigazzjonijiet se jikkontribwixxi biex jiġu stabbiliti linji gwida aktar preċiżi u effikaċi dwar l-għajnuniet mill-istat relatati mat-taxxa u l-ipprezzar ta' trasferiment u biex l-Istati Membri jiġu mġiegħla jaġġustaw il-prattiki tagħhom kif jixraq; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, biex tikkonkludi dawn l-investigazzjonijiet li qed tagħmel bħalissa dwar l-għajnuna mill-istat relatata mat-taxxa malli jkun possibbli prattikament mingħajr ħsara għall-kwalità u l-kredibilità tagħhom u jistenna b'interess kbir ir-riżultati tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament Ewropew dwar dawn l-investigazzjonijiet; jappella lill-Kummissjoni biex titlob l-irkupru ta' kull euro nieqes fil-każ li jiġi kkonfermat li ingħatat għajnuna mill-istat illegali fl-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa;

71.

Jisħaq fuq il-fatt li l-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa jistgħu jwasslu, fil-każ ta' ksur tar-regoli tal-UE, għall-irkupru, mill-Istat Membru li jkun approva l-miżura fiskali kkonċernata, tal-ammont li jikkorrispondi għall-għajnuna mill-istat illegali mogħtija lill-impriżi benefiċjarji; jisħaq fuq il-fatt li, għalkemm dan jista' jkollu effett negattiv sinifikanti fuq ir-reputazzjoni ta' dak l-Istat Membru speċifiku, jikkostitwixxi premju de facto għan-nuqqas ta' konformità, u huwa improbabbli li dan jiskoraġġixxi lill-Istati Membri, fil-każ ta' dubju, milli jinvolvu ruħhom fi prattiki ta' għajnuna mill-istat illegali u l-għoti ta' benefiċċji fiskali abbużivi iżda, minflok, jeħlishom mir-responsabilità tagħhom li jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat u ma jtaffix it-telf finanzjarju għall-baġits tal-Istati Membri affettwati; jikkunsidra, f'termini aktar ġenerali, li r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għandhom jiddisponu għal sanzjonijiet li jikkostitwixxu deterrent effikaċi kontra l-għajnuna mill-istat illegali;

72.

Jindika wkoll il-possibilità, fil-każ ta' pprezzar ta' trasferiment abbużiv bejn sussidjarji transkonfinali, li ma jkunx biss l-Istat Membru fejn ikun oriġina t-trattament fiskali vantaġġuż li jkollu d-dħul fiskali tiegħu aġġustat (irkupru tal-għajnuna) iżda li jiġri l-istess fil-pajjiżi l-oħra fejn tkun saret it-tranżazzjoni (aġġustament ex post tal-ipprezzar ta' trasferiment u għaldaqstant tal-introjtu taxxabbli); jisħaq fuq il-fatt li, f'xi każijiet, dan jista' jwassal għal tassazzjoni doppja;

73.

Ifakkar li d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa għandhom ikunu mmirati biex jipprovdu ċ-ċertezza tad-dritt u joħolqu aspettattivi leġittimi għall-benefiċjarji tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li, f'kuntest li fih id-deċiżjonijiet nazzjonali jistgħu jiġu kkontestati permezz tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat fil-livell tal-UE, jeżisti riskju ta' massa ta' notifiki ta' talbiet dwar deċiżjonijiet individwali mingħand l-Istati Membri għal awtorizzazzjoni bil-quddiem mill-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġu evitati l-inċertezzi tad-dritt għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-impriżi; jisħaq fuq il-fatt li żieda fil-kapaċità fi ħdan il-Kummissjoni u t-titjib tal-proċessi għat-trażmissjoni tal-informazzjoni huma modi xierqa kif tiġi ttrattata żieda fil-fluss ta' notifiki, kif ukoll it-trasparenza akbar meħtieġa mill-Istati Membri fil-kwistjonijiet tat-taxxa;

Pajjiżi terzi

74.

Jinsab imħasseb bil-fatt li jidher li l-effetti konsegwenzjali tal-prattiki dwar it-taxxa dannużi min-naħa tal-korporazzjonijiet multinazzjonali huma ferm aktar sinifikanti fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw milli fuq il-pajjiżi żviluppati (38), peress li tal-ewwel jiġbru perċentwal ogħla tad-dħul tagħhom mit-taxxa korporattiva u jkollhom sistemi ta' finanzi pubbliċi, kuntesti ta' regolamentazzjoni u kapaċità amministrattiva aktar dgħajfa biex jiggarantixxu konformità fiskali u jsibu tarf tali prattiki dwar it-taxxa dannużi; josserva li l-FMI (39) jissuġġerixxi li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitilfu f'termini relattivi tliet darbiet aktar dħul minħabba pjanifikazzjoni fiskali aggressiva mill-pajjiżi żviluppati; jisħaq fuq il-fatt li l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona jobbliga lill-Istati Membri jaġġustaw il-politiki tagħhom biex jappoġġaw l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jindika li analiżijiet ex post tal-effetti konsegwenzjali tal-prattiki dwar it-taxxa tal-Istati Membri, li r-riżultati tagħhom għandhom jiġu ppubblikati, kieku jgħinu jiggwidaw it-tfassil tal-politiki b'mod li jiġi żgurat li t-tali prattiki ma jnawrux il-bażi tat-taxxa ta' Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi;

75.

Jisħaq fuq il-fatt li, fl-istess ħin, il-ftit “rebbieħa” tal-kompetizzjoni globali fil-qasam tat-taxxa, li huma dawk il-pajjiżi b'politiki dwar it-taxxa korporattiva attraenti ħafna fi ħdan l-UE u barra minnha, jippreżentaw ċerti prinċipji fundamentali ekonomiċi sproporzjonati meta mqabbla mad-daqs u mal-attività ekonomika reali tagħhom speċjalment meta jitqiesu, pereżempju, in-numru ta' kumpaniji residenti għal kull abitant, l-ammont ta' profitti barranin irreġistrati, l-IDB jew il-flussi finanzjarji uxxenti meta mqabbla mal-PDG, eċċ.; josserva li dan juri n-natura artifiċjali tal-bażi tat-taxxa u tal-flussi finanzjarji entranti tagħhom u l-iskonnessjoni permessa taħt is-sistemi tat-taxxa attwali bejn il-post fejn jiġi ġġenerat il-valur u l-post fejn tinġabar it-taxxa;

76.

Jisħaq fuq il-fatt li l-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa mhija xejn affattu limitata għall-Istati Membri, inklużi t-territorji dipendenti jew assoċjati tagħhom, u li l-biċċa l-kbira tal-prattiki taħt eżami għandhom dimensjoni internazzjonali, permezz tat-trasferiment ta' profitti lejn ġurisdizzjonijiet b'rati fiskali baxxi jew l-ebda tassazzjoni jew li jippromwovu s-segretezza f'materji ta' taxxa fejn spiss ma sseħħ l-ebda attività ekonomika sustanzjali; jiddeplora n-nuqqas ta' approċċ ikkoordinat min-naħa tal-Istati Membri fil-konfront ta' dawn il-ġurisdizzjonijiet kollha, mhux biss f'termini ta' azzjoni jew reazzjoni konġunta kontra l-prattiki dannużi tagħhom, iżda wkoll, minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-identifikazzjoni tagħhom u l-kriterji rilevanti; isostni bil-qawwa għalhekk il-proposta tal-2012 tal-Kummissjoni li tinkludi kriterji sostanzjali biex tiġi garantita kompetizzjoni ġusta flimkien mat-trasparenza u mal-iskambju ta' informazzjoni, kif ukoll il-pubblikazzjoni reċenti, fil-pakkett dwar it-taxxa tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2015, ta' lista' tal-ġurisdizzjonijiet fiskali mhux kooperattivi, stabbilita b'segwitu għal approċċ tad-“denominatur komuni” abbażi tal-listi eżistenti fil-livell nazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li l-istituzzjoni ta' lista ta' dan it-tip hija rekwiżit preliminari biex tittieħed azzjoni xierqa kontra l-ġurisdizzjonijiet ta' dan it-tip; jemmen li din il-lista għandha tkun l-ewwel iterazzjoni ta' proċess li jirriżulta f'definizzjoni oġġettiva u rigoruża ta' 'rifuġji fiskali' li mbagħad ikun jista' talimenta l-listi fil-ġejjieni, stabbiliti abbażi ta' kriterji ċari li għandhom ikunu magħrufa minn qabel; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-ġurisdizzjonijiet Ewropej jikkonformawx ma' dawn il-kriterji;

77.

Jisħaq fuq il-fatt li ħidmet l-OECD f'dan ir-rigward kisbet xi riżultati konsiderevoli f'termini tat-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon partikolari l-iffirmar, minn kważi 100 pajjiż sa Ġunju 2015, tal-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva fil-Qasam tat-Taxxa (il-“Konvenzjoni Konġunta”), li tiddisponi għal kooperazzjoni amministrattiva bejn l-istati fil-valutazzjoni u fil-ġbir tat-taxxi, b'mod partikolari bil-għan li jiġu miġġielda l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa;

78.

Jisħaq fuq il-fatt, iżda, li ħidmet l-OECD fuq il-lista preċedenti tagħha ta' rifuġji fiskali mhux kooperattivi ssejset fuq proċess politiku li wassal għal kompromessi arbitrarji diġà meta kienu qed jiġu ffissati l-kriterji għal-listi, bħar-rekwiżit ta' konklużjoni ta' ftehimiet fil-qasam tat-taxxa ma' 12-il pajjiż ieħor, u rriżultat biex l-ebda ġurisdizzjoni ma tniżżlet fil-lista bħala rifuġju fiskali mhux kooperattiv; jisħaq fuq il-fatt li l-approċċ attwali tagħha għadu bbażat fuq kriterji li jirreferu għat-trasparenza fil-qasam tat-taxxa u għall-iskambju ta' informazzjoni, u li mhumiex komprensivi biżżejjed biex jaffrontaw l-effetti dannużi ta' ċerti prattiki dwar it-taxxa; josserva li, ikunu xi jkunu l-merti tiegħu, dan jillimita r-rilevanza tal-approċċ tal-OECD fl-identifikazzjoni ta' dawk il-ġurisdizzjonijiet fiskali li jikkostitwixxu pilastri tal-prattiki tal-evitar tat-taxxa u tal-kompetizzjoni fiskali dannuża fuq skala dinjija; jisħaq, partikolarment, fuq il-fatt li dan l-approċċ ma jirreferi għall-ebda indikatur kwalitattiv għal valutazzjoni oġġettiva tal-konformità mal-prattiki ta' governanza tajba jew jikkunsidra d-data kwantitattiva bħall-profitti għal skopijiet kontabilistiċi, il-flussi finanzjarji entranti u uxxenti u l-(is)konnessjoni tagħhom mir-realtà ekonomika f'ġurisdizzjoni partikolari;

79.

Jissottolinja, barra minn hekk, il-fatt li dawn il-listi jistgħu jintużaw fil-livell nazzjonali biex jiġu implimentati r-regoli nazzjonali ta' protezzjoni u dawk kontra l-evitar tat-taxxa fil-konfront ta' pajjiżi terzi (bħal restrizzjoni fuq il-benefiċċji, l-applikazzjoni ta' test tal-għan prinċipali, regoli dwar il-korporazzjonijiet ikkontrollati minn barra l-pajjiż, eċċ.), u li r-restrizzjonijiet implimentati f'dawn il-listi jistgħu għaldaqstant jillimitaw anke l-portata u l-effikaċja tal-miżuri nazzjonali mmirati biex isibu tarf il-prattiki dwar it-taxxa dannużi;

80.

Jinsab konvint li l-garanzija ta' kompetizzjoni ġusta fis-suq intern u l-protezzjoni tal-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri jiddependu ħafna mill-affrontar tal-aktar ħolqa dgħajfa fir-rigward tal-interazzjonijiet mal-ġurisdizzjonijiet b'rati fiskali baxxi jew l-ebda tassazzjoni jew li jippromwovu s-segretezza f'materji ta' taxxa peress li l-eżistenza ta' passaġġ fiskali (eż. l-ebda taxxa minn ras il-għajn) għall-pajjiżi terzi, indipendentement mill-prattiki tagħhom fil-qasam tat-taxxa, iżżid konsiderevolment l-opportunitajiet ta' evitar tat-taxxa fi ħdan l-UE;

81.

Jisħaq fuq il-fatt li approċċ aktar ikkoordinat min-naħa tal-Istati Membri fil-konfront tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk żviluppati x'aktarx jirriżulta ħafna aktar effikaċi biex isib tarf il-prattiki dwar it-taxxa dannużi u jippromwovi aktar reċiproċità f'materji ta' taxxa;

82.

Jisħaq fuq il-fatt li, bħala risposta għall-pressjonijiet kemm mingħand l-UE kif ukoll mingħand il-G20 dwar il-kwistjoni tat-trasparenza tat-taxxa u fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u tad-dejn, ċerti pajjiżi terzi fl-aħħar iffirmaw ftehimiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni fil-qasam tat-taxxa mal-UE, u dan għandu jtejjeb il-kooperazzjoni ma' tali pajjiżi; jindika li, fil-każ tal-Iżvizzera, f'Mejju 2015 ġie ffirmat ftehim, wara perjodu “ta' tranżizzjoni” twil li matulu dan is-sieħeb kummerċjali importanti tal-UE bbenefika minn aċċess privileġġjat għas-suq uniku, iżda, kontemporanjament, ma kkooperax f'setturi oħrajn, partikolarment dak tat-tassazzjoni;

83.

Josserva li, minkejja n-negozjati li għaddejjin bħalissa, għadu qed jimxi bil-mod il-progress biex jiġi ffirmat ftehim ta' kooperazzjoni simili ma' San Marino, Monaco, il-Liechtenstein u Andorra; jiddispjaċih li l-Kummissjoni m'għandhiex mandat Ewropew simili biex tinnegozja ftehimiet dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni mat-territorji extra-Ewropej attwalment koperti mid-Direttiva tal-UE dwar it-tassazzjoni fuq it-tfaddil;

84.

Josserva bi tħassib li bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw jisfaw partikolarment vulnerabbli għall-attivitajiet ta' evitar tat-taxxa mill-korporazzjonijiet multinazzjonali, u li l-kawża prinċipali tad-dħul nieqes għall-baġits tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw tinsab fil-prattiki ta' pprezzar ta' trasferiment tal-korporazzjonijiet multinazzjonali (40); jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li dawn il-pajjiżi jsibu ruħhom f'pożizzjoni dgħajfa ħafna fin-negozjati fil-konfront ta' ċerti korporazzjonijiet multinazzjonali jew investituri diretti barranin li jduru d-dinja jfittxu sussidji u eżenzjonijiet fil-qasam tat-taxxa; jikkundanna l-fatt li hu stmat li kull sena l-baġits nazzjonali isofru telf annwali fid-dħul mit-taxxa li jvarja bejn madwar EUR 91 (41) u EUR 125 biljun (42);

85.

Ifakkar lill-Istati Membri li, taħt it-Trattat ta' Lisbona, huma marbuta mill-prinċipju ta' koerenza tal-politika għall-iżvilupp u jeħtieġ li jiżguraw li l-politiki fiskali tagħhom ma jdgħajfux l-objettivi tal-UE dwar l-iżvilupp; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jwettqu analiżijiet tal-effetti konsegwenzjali tal-politiki fiskali tagħhom u l-impatti tagħhom fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif issuġġerixxa l-FMI;

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

86.

Jikkonkludi, meta jħares lura lejn il-mandat li ta lill-kumitat speċjali tiegħu, u minkejja d-diversi limitazzjonijiet u ostakli li nstabu matul il-missjonijiet tiegħu ta' ġbir ta' informazzjoni, kif ukoll minn istituzzjonijiet oħra tal-UE, xi Stati Membri u korporazzjonijiet multinazzjonali, li:

mingħajr preġudizzju għall-eżitu tal-investigazzjonijiet li qed twettaq il-Kummissjoni dwar l-għajnuniet mill-istat, l-informazzjoni miġbura tindika li, f'bosta każijiet, l-Istati Membri ma rrispettawx l-Artikolu 107(1) TFUE, peress li introduċew deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili li, huma u jaġevolaw lil ċerti impriżi, ħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern;

xi Istati Membri ma infurzawx kompletament l-Artikolu 108 TFUE peress li naqsu milli notifikaw formalment lill-Kummissjoni bil-pjanijiet kollha tagħhom intiżi li jagħtu għajnuna relatata mat-taxxa, u b'hekk kisru wkoll id-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999; jisħaq fuq il-fatt li, konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx iżżomm taħt eżami kostanti s-sistemi kollha ta' għajnuna, kif dispost mill-Artikolu 108 TFUE, peress li ma kellhiex aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha, tal-anqas qabel l-2010, li hu l-perjodu mhux kopert mill-investigazzjonijiet attwali tagħha,

l-Istati Membri ma rrispettawx l-obbligi stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 77/799/KEE u 2011/16/UE peress li ma skambjawx u għadhom mumiex qed jiskambjaw spontanjament l-informazzjoni marbuta mat-taxxa, anki fil-każijiet fejn kien hemm ġustifikazzjonijiet ċari, minkejja l-marġni ta' diskrezzjoni li ħallew tali direttivi, biex dak li jkun jistenna li jista' jkun hemm telf ta' taxxa fi Stati Membri oħrajn, jew li t-taxxa setgħet tiġi ffrankata bħala riżultat ta' trasferimenti artifiċjali ta' profitti fi ħdan gruppi;

xi Stati Membri ma rrispettawx il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, peress li ma adottawx il-miżuri xierqa kollha, ġenerali jew partikolari, biex jiggarantitxxu t-twettiq tal-obbligi tagħhom;

analiżi tal-każijiet individwali ta' ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-punti msemmija hawn fuq ma kinitx possibbli minħabba nuqqas ta' informazzjoni dettaljata pprovduta mill-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni;

finalment, il-Kummissjoni ma ssodisfatx ir-rwol tagħha ta' gwardjan tat-Trattati, kif stabbilit fl-Artikolu 17(1) TUE, peress li ma ħaditx azzjoni f'din il-kwistjoni u ma ħaditx il-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom, b'mod partikolari dawk stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 77/799/KEE u 2011/16/UE, minkejja kull evidenza kuntrarja; il-Kummissjoni kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 108 tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-funzjonament tas-suq intern meta ma fetħitx investigazzjonijiet dwar l-għajnuna mill-istat fl-imgħoddi;

87.

Jikkundanna l-fatt li diversi dokumenti dwar it-taxxa tal-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta li kienu ġew mitluba ma ġew żvelati xejn jew ġew żvelati parzjalment biss lill-kumitat, għalkemm uħud minnhom diġà ngħataw lil ċittadini individwali li talbuhom permezz tal-proċedura tal-aċċess għad-dokumenti, biex b'hekk il-Parlament Ewropew spiċċa anqas infurmat tajjeb miċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta' taxxa; jiddeplora, barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni rrilaxxat anqas minn 5 % tal-ammonti totali tad-dokumenti mitluba, li jidher li kienu xi 5 500 dokument; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' kooperazzjoni li l-Kummissjoni u l-Kunsill qed juru mal-kumitat, li jxekkel it-twettiq tal-mandat tiegħu;

88.

Minħabba l-fatt li l-Parlament attwalment jonqsuh is-setgħat ta' inkjesta parlamentari, jappella lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti jagħtu l-kunsens tagħhom għall-proposta pendenti għal Regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament (43), sabiex jikkonferixxu s-setgħat investigattivi ġenwini meħtieġa biex jeżerċita d-dritt tiegħu ta' inkjesta parlamentari;

89.

Jappella lill-Kummissjoni biex teżamina jekk għadux possibbli li jinfetħu proċedimenti dwar il-ksur imsemmi hawn fuq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

90.

Jappella lill-Istati Membri biex jirrispettaw il-prinċipju ta' tassazzjoni tal-profitti fil-post fejn ikunu ġew iġġenerati;

91.

Jappella lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE li jaqsmu r-responsabilità politika tas-sitwazzjoni attwali, biex itemmu l-kompetizzjoni fiskali dannuża u jikkooperaw kompletament bil-għan li jeliminaw l-asimmetriji – u joqogħdu lura milli joħolqu asimmetriji ulterjuri – bejn is-sistemi tat-taxxa u l-miżuri dwar it-taxxa dannużi li joħolqu l-kundizzjonijiet għall-evitar massiv tat-taxxa mill-kumpaniji multinazzjonali u għall-erożjoni tal-bażi tat-taxxa fi ħdan is-suq intern; jappella, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra dwar kull tibdil rilevanti għal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar it-taxxa korporattiva li jista' jkollu impatt fuq ir-rati tat-taxxa effettivi tagħhom jew fuq id-dħul fiskali ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor; jisħaq fuq il-fatt li l-Istati Membri li jiżvolġu rwol pivotali fl-iffaċilitar tal-evitar tat-taxxa għandhom jerfgħu r-responsabilità u jmexxu l-isforzi biex tittejjeb il-kooperazzjoni fil-qasam tat-taxxa fi ħdan l-UE;

92.

Jappella lill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern biex jieħdu impenji politiċi ċari li jieħdu azzjoni urġenti ħalli jaffrontaw din is-sitwazzjoni, li ma tistax tibqa' tiġi ttollerata, anki minħabba l-impatt li tħalli fuq il-baġits nazzjonali, li diġà huma suġġetti għal miżuri ta' konsolidament fiskali, u fuq il-kontribuzzjonijiet fiskali ta' kontribwenti oħrajn, fosthom l-SMEs u ċ-ċittadini; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-fatt li biħsiebu jiżvolġi bis-sħiħ ir-rwol tiegħu u huwa lest jimplimenta skrutinju politiku aktar effikaċi, f'kooperazzjoni stretta mal-parlamenti nazzjonali;

93.

Jappella lill-Kummissjoni biex taqdi dmirha bħala l-gwardjan tat-Trattati billi tiżgura li d-dritt tal-UE u l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri jkunu kompletament rispettati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta r-rutina li tieħu azzjoni ġuridika ulterjuri skont is-setgħat konferiti lilha mit-Trattat; jappella għalhekk lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kapaċità interna tagħha, possibbilment permezz tal-ħolqien ta' dipartiment speċifiku għat-taxxa fis-servizzi tagħha, sabiex jittratta kemm iż-żieda fil-fluss ta' notifiki dwar għajnuna mill-istat fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni u kemm ir-responsabilità msaħħa tagħha għall-koordinament ta' miżuri ġodda relatati mat-trasparenza fiskali;

94.

Jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex, mingħajr xkiel, tkun tista' tiżvolġi r-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati;

95.

Jappella lill-Kummissjoni biex tippromwovi prattiki tajba dwar l-ipprezzar ta' trasferiment u l-ipprezzar tas-self u l-imposti finanzjarji fit-tranżazzjonijiet intragrupp, b'mod li jsiru konformi mal-prezzijiet prevalenti tas-suq;

96.

Jissottolinja l-fatt li l-Istati Membri jibqgħu totalment kompetenti biex jiffissaw ir-rati tat-taxxa korporattiva rispettivi tagħhom; jinsisti, madankollu, li l-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa fl-UE u fil-konfront tal-pajjiżi terzi għandha sseħħ fi ħdan qafas ċar ta' regoli bil-għan li tiġi garantita l-kompetizzjoni ġusta bejn l-impriżi fis-suq intern; jappella lill-Istati Membri biex, l-ewwel u qabel kollox, jiżguraw ambjent favorevoli għan-negozju, ikkaratterizzat minn, fost affarijiet oħra, stabilità finanzjarja u politika, kif ukoll miċ-ċertezza tad-dritt u s-sempliċità tar-regoli dwar it-taxxa; minħabba r-rwol kruċjali tagħhom fl-iżgurar ta' sostenibiltà fiskali, jappella lill-Kummissjoni biex tindirizza aktar bir-reqqa l-kwistjonijiet tat-tassazzjoni korporattiva, inklużi l-prattiki dwar it-taxxa dannużi u l-impatt tagħhom, fil-qafas tas-Semestru Ewropew u biex tinkludi l-indikaturi rilevanti, inklużi l-istimi tad-distakk fiskali li jirriżulta mill-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, fil-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku;

97.

Jistieden lill-Istati Membri, speċjalment dawk li jirċievu għajnuna finanzjarja, biex jimplimentaw riformi strutturali, jiġġieldu l-frodi tat-taxxa u jinfurzaw azzjoni kontra l-ippjanar fiskali aggressiv;

98.

Jappella lill-Kummissjoni biex f'dan ir-rigward issib il-bilanċ it-tajjeb bejn il-konverġenza fiskali u dik ekonomika, u jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-azzjonijiet isiru b'appoġġ għat-tkabbir, l-investiment u l-impjiegi;

99.

Huwa tal-fehma li, fost affarijiet oħra, skambju ta' informazzjoni awtomatiku komprensiv, trasparenti u effikaċi kif ukoll bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva huma kundizzjonijiet preliminari essenzjali biex tinkiseb sistema tat-taxxa fil-livell tal-UE li tikkonforma mal-prinċipji bażiċi tas-suq intern u tippreżervahom;

100.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE, fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjoni, jimplimentaw diversi ġabriet ta' azzjonijiet komplementari bil-għan li jtejbu s-sitwazzjoni attwali, waqt li jżommu quddiem għajnejhom il-bżonn li l-kumplessità tonqos għall-partijiet interessati kollha u li jiġu minimizzati l-ispejjeż tal-konformità għall-impriżi u għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa; jisħaq, għalhekk, fuq il-fatt li s-semplifikazzjoni tas-sistemi tat-taxxa għandha tkun l-ewwel pass biex tinġieb iċ-ċarezza mhux biss għall-Istati Membri iżda anke għaċ-ċittadini, li bħalissa huma esklużi mill-iskambju ta' informazzjoni;

101.

Jappella lill-Kummissjoni biex tkompli tinvestiga b'mod empiriku l-opportunità li tillimita t-tnaqqis tal-pagamenti ta' royalties lil korporazzjonijiet relatati mill-pagamenti tal-bażi tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv bħala mod biex tikkontrobatti t-trasferiment ta' profitti intragrupp;

102.

Jisħaq fuq il-fatt li, minkejja stediniet ripetuti, erba' korporazzjonijiet multinazzjonali (44) biss qablu inizjalment li jidhru quddiem il-kumitat biex jiddiskutu kwistjonijiet ta' pjanifikazzjoni fiskali internazzjonali, minn total ta' 17; jikkunsidra li r-rifjut inizjali ta' 13 (45) minnhom – uħud pubblikament viżibbli ħafna – li jikkooperaw ma' kumitat parlamentari hu inaċċettabbli u dannuż ħafna għad-dinjità tal-Parlament Ewropew u ċ-ċittadini li jirrappreżenta; jinnota madankollu, li 11-il korporazzjoni multinazzjonali (46) finalment qablu li jmorru fil-kumitat biss wara li r-rapport kien ittieħed vot dwaru fil-Kumitat TAXE, u ftit qabel il-votazzjoni fil-plenarja, filwaqt li żewġ korporazzjonijiet multinazzjonali komplew jirrifjutaw; jirrakkomanda, għalhekk, li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jikkunsidraw li jċaħħdu lil dawn il-kumpaniji mill-aċċess għall-bini tal-Parlament u li tingħata kunsiderazzjoni serja għat-twaqqif ta' qafas ċar u l-aġġornament tad-dmirijiet stabbiliti fil-Kodiċi ta' Kondotta għall-organizzazzjonijiet inklużi fir-Reġistru tat-Trasparenza (47), f'termini ta' kooperazzjoni mal-kumitati tal-Parlament u korpi politiċi oħra;

103.

Jappella biex issir investigazzjoni dwar ir-rwol tal-istituzzjonijiet finanzjarji biex jgħinu prattiki dwar it-taxxa dannużi;

Kooperazzjoni u koordinament dwar id-deċiżjonijiet antiċipati fil-qasam tat-taxxa

104.

Jiddeplora l-kontenut tal-ftehim politiku tas-6 ta' Ottubru 2015 fi ħdan il-Kunsill, li għandu portata aktar limitat minn dik tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ta' Marzu 2015 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li dan tal-aħħar ipprovda, apparti qafas komuni għar-reġistrazzjoni u l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar deċiżjonijiet, dispożizzjonijiet li jippermettu li l-Kummissjoni tissorvelja b'mod effikaċi l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri u tiżgura li d-deċiżjonijiet ma jkollhomx impatt negattiv fuq is-suq intern; jisħaq fuq il-fatt li, kieku tiġi adottata l-pożizzjoni tal-Kunsill, ma jkunx possibbli li jinsiltu l-benefiċċji kollha tal-iskambju awtomatiku tad-deċiżjonijiet, b'mod partikolari f'termini ta' implimentazzjoni effikaċi, u jappella lill-Kunsill, għalhekk, biex iżżomm mal-proposta tal-Kummissjoni u jqis kif dovut l-opinjoni tal-Parlament, b'mod partikolari fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva (id-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tat-taxxa u mhux dawk transkonfinali biss), il-perjodu ta' retroattività (id-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tat-taxxa li għadhom validi għandhom jiġu skambjati) u l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni, li għandu jkollha aċċess għad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa;

105.

Jistieden lill-Istati Membri jsostnu, fil-fora internazzjonali kollha, l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa bħala l-istandard globali l-ġdid; jistieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni, lill-OECD u lill-G20 jippromwovu dan permezz tal-aktar strumenti adegwati u effikaċi fi ħdan proċess globali inklużiv; jinsisti li għandhom jittieħdu passi konkreti biex jiġi żgurat li l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni jibda jsir fuq livell tassew globali, u b'hekk isir effikaċi, filwaqt li jiġu rispettati r-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, billi jiġu appoġġati l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jibnu l-kapaċitajiet tagħhom għal parteċipazzjoni sħiħa fl-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li, fi ħdan l-UE, l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni jista' jseħħ fil-forma ta' reġistru ċentrali għall-UE kollha li jkun aċċessibbli mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

106.

Jistieden lill-Istati Membri jqisu li kwalunkwe deċiżjoni fil-qasam tat-taxxa għandha tkun stabbilita, partikolarment meta tinvolvi pprezzar ta' trasferiment, f'kooperazzjoni mal-pajjiżi involuti kollha, li l-informazzjoni rilevanti għandha tiġi skambjata bejniethom awtomatikament, komprensivament u mingħajr dewmien u li kwalunkwe azzjoni nazzjonali mmirata lejn it-tnaqqis tal-evitar tat-taxxa u tal-erożjoni tal-bażi tat-taxxa fi ħdan l-UE, inkluż l-awditjar, għandha titwettaq fuq bażi komuni, b'attenzjoni dovuta lill-esperjenza miksuba bis-saħħa tal-programm FISCALIS 2020; itenni l-fehma tiegħu li l-elementi bażiċi tad-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tat-taxxa li jħallu impatt fuq l-Istati Membri l-oħrajn ma għandhomx biss jiġu skambjati bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-Kummissjoni, iżda anke ppreżentati fir-rapporti għal kull pajjiż mingħand il-korporazzjonijiet multinazzjonali;

107.

Jevidenzja f'dan ir-rigward, il-fatt li mhumiex biss id-deċiżjonijiet transkonfinali li jista' jkollhom impatt fuq Stati Membri oħra imma anke dawk nazzjonali, u jappella għalhekk biex l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni jiġi estiż għad-deċiżjonijiet kollha maħruġa minn jew f'isem gvern jew awtorità tat-taxxa ta' Stat Membru, jew kwalunkwe suddiviżjoni territorjali jew amministrattiva tagħhom, li jkunu għadhom attivi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva; jinsisti b'qawwa fuq ir-rwol kruċjali li għandu l-involviment tal-Kummissjoni fil-proċess tal-ġbir ta' data u analiżi dwar id-deċiżjonijiet;

108.

Jappella, barra minnn hekk, għal qafas li jikkontrolla b'mod effikaċi l-implimentazzjoni tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, għall-ġbir u l-pubblikazzjoni tal-istatistika dwar l-informazzjoni skambjata, u b'mod partikolari għall-ħolqien ta' direttorju ċentrali sikur mill-Kummissjoni qabel il-31 ta' Diċembru 2016 biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa parteċipanti; ifakkar li t-twaqqif ta' sistema għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa se jirriżulta fil-ġbir ta' kwantità kbira ta' informazzjoni, u dan jista' jagħmilha diffiċli li jinstabu l-każijiet tassew problematiċi; jisħaq fuq il-fatt li, minħabba din is-sitwazzjoni, flimkien mal-eżistenza ta' 28 Stat Membru b'lingwi u prattiki amministrattivi differenti, hemm bżonn li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jirriflettu fuq metodi intelliġenti, anke permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni, biex isibu tarf l-ammont u d-diversità tad-data miksuba, b'mod li l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fl-Unjoni jsir ġenwinament effikaċi u ta' għajnuna;

109.

Jappella lill-Kummissjoni biex tistudja l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment, fuq żmien itwal, ta' sistema ta' “kamra tal-approvazzjoni” (clearing house) għall-UE kollha, li permezz tagħha d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa jiġu vverifikati sistematikament mill-Kummissjoni sabiex iżżid il-livell ta' ċertezza, konsistenza, uniformità u trasparenza tas-sistema u tivverifika jekk tali deċiżjonijiet ikollhomx effett dannuż fuq l-Istati Membri l-oħra;

110.

Jisħaq fuq il-fatt li, sabiex issaħħaħ it-trasparenza għaċ-ċittadini, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport kull sena li jiġbor fil-qosor il-każijiet ewlenin li jinsabu fid-direttorju ċentrali sikur, u li, meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tqis id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar Assistenza Reċiproka fir-rigward tal-kunfidenzjalità;

111.

Jappella lill-Kummissjoni biex tqis il-ħolqien ta' qafas komuni fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, inklużi kriterji komuni, partikolarment:

ir-rekwiżit li jiġu stabbiliti abbażi ta' analiżi komprensiva tal-effetti konsegwenzjali, inkluż l-effett tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-bażijiet tat-taxxa ta' pajjiżi oħra, bl-involviment tal-partijiet u tal-pajjiżi kollha kkonċernati,

id-divulgazzjoni pubblika tagħhom, totalment jew f'forma semplifikata, iżda fir-rispett sħiħ tar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità,

l-obbligu li jiġu ppubblikati l-kriterji għall-għoti, ir-rifjut u r-revoka ta' deċiżjonijiet tat-taxxa,

trattament indaqs u disponibilità għall-kontribwenti kollha,

assenza ta' diskrezzjoni u konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet sottostanti fil-qasam tat-taxxa;

112.

Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi linji gwida komuni tal-UE għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' distakkament tal-OECD bil-għan li jiġu armonizzati l-prattiki tal-Istati Membri tal-UE għall-iffissar tal-prezzijiet ta' trasferiment b'tali mod li, meta jiġu stabbiliti l-ftehimiet dwar l-ipprezzar ta' trasferiment, l-amministrazzjonijiet nazzjonali jkollhom l-għodda biex iqabblu impriżi simili u mhux biss tranżazzjonijiet simili;

113.

Jemmen li sistema fiskali ġusta u effiċjenti tirrikjedi livell adegwat ta' trasparenza u kunfidenzjalità; jinsab konvint għalhekk li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri u, fejn ikun rilevanti, il-Kummissjoni, għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji aħħarin ta' kwalunkwe veikolu legali u/jew deċiżjoni fil-qasam tat-taxxa;

114.

Jappella lill-Kummissjoni biex, fost affarijiet oħra, tagħmel użu mid-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li tinkludi “reati fiskali” fid-definizzjoni wiesgħa ta' “attività kriminali”, sabiex tiddetermina l-benefiċjarji aħħarin ta' ċerti veikoli legali;

115.

Jappella lill-Kummissjoni biex tintroduċi, internament, reġistru pubbliku ċentrali tal-eżenzjonijiet, it-tnaqqis u l-krediti ġuridiċi kollha relatati mat-taxxa korporattiva, flimkien ma' valutazzjoni tal-impatt baġitarju kwantitattiv għal kull Stat Membru;

Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)

116.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan ta' azzjoni propost mill-Kummissjoni fis-17 ta' Ġunju 2015 biex tindirizza l-evitar tat-taxxa u tippromwovi tassazzjoni korporattiva fl-UE li tkun ġusta u effiċjenti; jappella lill-Kummissjoni biex tħaffef il-preżentazzjoni tal-modifiki leġiżlattivi għall-istabbiliment immedjat ta' bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) fuq skala tal-UE, li tkun tindirizza mhux biss il-kwistjoni tar-reġimi preferenzjali u l-asimmetriji bejn is-sistemi nazzjonali tat-taxxa, iżda wkoll il-maġġor parti tal-kwistjonijiet li jwasslu għall-erożjoni tal-bażi tat-taxxa fil-livell Ewropew (partikolarment il-kwistjonijiet marbuta ma' pprezzar ta' trasferiment); jappella lill-Kummissjoni biex tkompli, mingħajr dewmien, bil-ħidma konkluża fl-2011 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi l-BKKTK, waqt li tqis il-pożizzjoni tal-Parlament dwarha u l-elementi ġodda li tfaċċaw minn dak iż-żmien u tinkorpora l-aktar konklużjonijiet reċenti mill-ħidma mwettqa mill-OECD, b'mod partikolari l-istandards li jirriżultaw mill-Pjan ta' Azzjoni dwar l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitti (BEPS), sabiex fl-2016 ikun jista' jiġi prodott test konsolidat;

117.

Jappella lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-proposti tagħha dispożizzjonijiet immirati biex jiċċaraw id-definizzjoni ta' investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u ta' stabbiliment permanenti bi qbil mas-sustanza ekonomika, li jkunu jkompru wkoll l-ekonomija diġitali; jindika l-importanza tal-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u l-bżonn li l-investimenti u t-tkabbir fl-ekonomija diġitali jiġu aġevolati u mhux imxekkla, biex b'hekk l-ekonomija emerġenti Ewropea f'dan is-settur tingħata vantaġġ kompetittiv fil-konfront ta' atturi oħrajn fl-Istati Uniti u fi bnadi oħrajn; jisħaq fuq il-fatt li l-evidenza eżistenti turi li r-rati preferenzjali għad-dħul mill-privattivi ma jgħinux biex jixprunaw l-innovazzjoni u jistgħu jwasslu għal erożjoni importanti tal-bażi permezz ta' trasferiment tal-profitti; jisħaq fuq il-fatt, fl-istess ħin, li l-abbuż jew l-isfruttament ta' tali sistemi jrid jiġi minimizzat bis-saħħa ta' azzjoni kkoordinata mill-Istati Membri u ta' standards u definizzjonijiet komuni fir-rigward ta' liema elementi jikkwalifikaw bħala promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp u liema le; jisħaq fuq il-fatt li l-hekk imsejjaħ approċċ nexus għar-rati preferenzjali għad-dħul mill-privattivi li qed jiġi rrakkomandat mill-inizjattiva BEPS mhux se jkun biżżejjed biex jillimita b'mod suffiċjenti l-problemi assoċjati mat-tali rati preferenzjali;

118.

Jenfasizza li, bil-għan li terġa' tinġieb ir-rabta bejn it-tassazzjoni u s-sustanza ekonomika u jkun garantit li t-taxxi jitħallsu fil-pajjiżi fejn issir l-attività ekonomika effettiva u fejn jinħoloq il-valur, kif ukoll, biex l-asimmetriji eżistenti jitranġaw, it-“tqassim skont formula speċifika” għandu jagħmel distinzjoni bejn is-setturi, biex iqis il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, partikolarment fir-rigward tal-impriżi fil-qasam diġitali peress li l-ekonomija diġitali tagħmilha aktar diffiċli lill-awtoritajiet tat-taxxa jiddeterminaw fejn inħoloq il-valur; jistieden lill-Kummissjoni tqis bir-reqqa l-pożizzjoni tal-Parlament fir-rigward tal-BKKTK u tadotta tqassim skont formula speċifika li jirrifletti l-attivitajiet ekonomiċi reali tal-kumpaniji. jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha dwar alternattivi konkreti għall-proġettazzjoni ta' dan il-koeffiċjent ta' tqassim, partikolarment fid-dawl li tantiċipa, għal kull settur, l-impatt fuq id-dħul mit-taxxa ta' kull Stat Membru, skont l-istruttura tal-ekonomija tiegħu; jenfasizza, għaldaqstant, li l-BKKTK hija mezz utli ta' ġlieda kontra l-BEPS u ta' ħolqien ta' valur miżjud Ewropew indipendentement mill-fatt jekk id-dħul mit-taxxa jistax jintuża parzjalment bħala riżorsa proprja ġdida għall-baġit tal-UE;

119.

Isostni enerġikament l-introduzzjoni ta' BKKTK sħiħa u obbligatorja mill-aktar fis possibbli; jieħu nota tal-approċċ li adottat il-Kummissjoni li tressaq BKTK sempliċi (mingħajr konsolidament) bħala l-ewwel pass fil-pjan ta' azzjoni tagħha ta' Ġunju 2015, iżda jindika li din se tħalli ħafna kwistjonijiet miftuħa, speċjalment għall-impriżi li joperaw fis-suq uniku, billi li BKTK ma tkunx tipprevedi indennizz għat-telf minħabba l-konsolidament, lanqas mhi se taffronta l-burokrazija żejda u l-inċertezza assoċjata mal-ipprezzar ta' trasferiment, li jikkostitwixxi wkoll wieħed mill-istrumenti ewlenin ta' evitar tat-taxxa użati mill-kumpaniji multinazzjonali, u lanqas ma ttemm b'mod effettiv it-trasferimenti tal-bażi tat-taxxa fi ħdan l-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tiffissa terminu konkret u qasir biex tinkludi l-“elementi tal-konsolidament” fl-inizjattiva BKKTK; jistieden lill-Kummissjoni tirrinunzja li twettaq kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt supplimentari ta' din il-miżura, li ilha s-snin fuq l-aġenda tal-UE, diġà kienet is-suġġett ta' xogħol preparatorju estensiv u bħalissa tinsab imblukkata fil-Kunsill minn mindu ġiet ippreżentata formalment fl-2011;

120.

Jistieden lill-Kummissjoni, fl-istennija tal-adozzjoni ta' BKKTK sħiħa u l-implimentazzjoni totali tagħha fil-livell tal-UE, tieħu azzjoni immedjata bil-għan li tiżgura tassazzjoni effikaċi, tnaqqis fit-trasferimenti tal-profitti (prinċipalment permezz tal-ipprezzar ta' trasferiment), tħejji, fl-istennija tal-konsolidament, reġim ad interim li jpaċi l-profitt u t-telf transkonfinali, li għandu jkun ta' natura temporanja u b'biżżejjed garanziji li mhu se joħloq l-ebda opportunità ulterjuri għal pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, u tintroduċi ulterjorment regoli kontra l-abbużi fid-direttivi rilevanti kollha; jistieden lill-Kummissjoni tikkontrolla d-direttivi fis-seħħ u tabbozza direttiva fil-qasam tat-taxxa u tad-dritt soċjetarju fir-rigward tal-adegwatezza tagħhom biex jeżegwixxu tassazzjoni effikaċi; jistieden lill-Kunsill jipprepara għall-adozzjoni immedjata ta' dawn id-dispożizzjonijiet; jenfasizza li, jekk trid tilħaq l-għanijiet tagħha, jiġifieri t-tnaqqis tal-burokrazija żejda, l-applikazzjoni ta' bażi komuni konsolidata tat-taxxa għandha tkun akkumpanjata mill-implimentazzjoni ta' regoli komuni tal-kontabilità u mill-armonizzazzjoni xierqa tal-prattiki amministrattivi fil-kwistjonijiet fiskali;

121.

Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ leġiżlazzjoni ċara dwar id-definizzjoni ta' sustanza ekonomika, ħolqien ta' valur u stabbiliment permanenti, bil-għan, partikolarment, li taffronta l-kwistjoni tal-kumpaniji tal-isem, u tiżviluppa kriterji u leġiżlazzjoni tal-UE għat-trattament tar-R&Ż, kompatibbli max-xogħol tal-OECD f'din il-materja, iżda mhux limitati għaliha, billi l-Istati Membri bħalissa qegħdin jirriformaw l-istrateġija tagħhom f'dan ir-rigward, spiss b'mod kumulattiv b'sussidji; jisħaq fuq il-fatt li tali leġiżlazzjoni għandha tindika b'mod ċar l-eżistenza ta' rabta diretta bejn ir-reġimi preferenzjali konċessi mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-attivitajiet R&Ż sottostanti; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kumpaniji kkontrollati minn barra l-pajjiż u l-applikazzjoni tagħha skont is-sentenza Cadbury Schweppes tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (C-196/04) bil-għan li tiżgura l-użu sħiħ tal-kumpaniji kkontrollati minn barra l-pajjiż lil hinn minn sitwazzjoni ta' arranġamenti totalment artifiċjali bil-għan li jiġu evitati każijiet ta' nontassazzjoni doppja; jistieden lill-Kummissjoni tifformula proposti maħsuba biex jarmonizzaw ir-regoli relatati mal-kumpaniji kkontrollati minn barra l-pajjiż fl-UE;

122.

Jistieden lill-Kummissjoni, fl-assenza ta' definizzjoni aċċettata fuq livell ġenerali, tkompli twettaq analiżijiet u studji intiżi li jiddefinixxu l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u l-prattiki dwar it-taxxa dannużi, u partikolarment l-abbużi tat-trattati fil-qasam tat-tassazzjoni doppja u l-arranġamenti ta' asimmetriji ibridi, fid-dawl tal-varji impatti negattivi li jistgħu jkollhom fuq is-soċjetà, tiżgura li jkunu suġġetti għal monitoraġġ u tidentifika b'mod aktar preċiż l-impatt tal-evitar tat-taxxa fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi wkoll metodoloġija li tkejjel id-distakk fiskali li jirriżulta mill-evitar tat-taxxa u mill-evażjoni tat-taxxa – kif ħabbret fil-proposta tagħha ta' Marzu 2015 – u tiżgura li dan il-kejl isir fuq bażi regolari biex jiġi monitorjat il-progress u jitfasslu reazzjonijiet politiċi xierqa; jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni neċessarja biex tiċċara l-istatus eżatt tal-“ġurisdizzjonijiet dipendenti” kollha tal-Istati Membri u dak li jista' jintuża bħala lieva fuqhom biex jibdlu l-prattiki tagħhom bil-għan li tiġi evitata l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa fi ħdan l-UE;

123.

Ifakkar li, barra mill-frodi tat-tassazzjoni korporattiva, jeżistu frodi mdaqqsin fil-VAT transkonfinali, taxxa fundamentali għat-teżori nazzjonali kollha; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa miżuri biex jaffrontaw din il-problema, inkluż il-koordinament aħjar ta' dan il-qasam bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa;

Kodiċi ta' Kondotta dwar it-tassazzjoni tal-impriżi

124.

Jappella għal riforma urġenti tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-tassazzjoni tal-impriżi u tal-Grupp responsabbli mill-applikazzjoni tiegħu, peress li, sal-lum, l-utilità tiegħu wriet ruħha dubjuża, bil-għan li jiġu ttrattati kemm l-ostakli reali li attwalment ixekklu l-affrontar effikaċi tal-prattiki dwar it-taxxa dannużi kif ukoll l-għoti ta' għajnuna favur il-koordinament u l-kooperazzjoni fuq skala tal-UE fil-qasam tal-politika ta' tassazzjoni;

125.

Jistieden lill-Istati Membri, fi spirtu ta' kooperazzjoni tajba, jissekondaw il-proposti inklużi fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2015 għal tassazzjoni fuq il-kumpaniji ġusta u effiċjenti fl-UE; jemmen li l-leġittimità tal-Grupp tkun tibbenefika minn żieda fit-trasparenza u mill-obbligu ta' rendikont; huwa favur, għaldaqstant, ir-ridefinizzjoni tal-governanza u tal-mandat tal-Grupp, inklużi l-ħatra ta' president permanenti responsabbli politikament, it-titjib tal-modus operandi tiegħu inkluż l-eventwali mekkaniżmu ta' eżekuzzjoni, il-parteċipazzjoni regolari fil-Grupp min-naħa tal-ministri tal-finanzi jew ta' uffiċjali għolja, bil-għan li l-profil tiegħu jiżdied, u skambju ta' informazzjoni msaħħaħ fi ħdan il-Grupp bil-għan li l-kwistjonijiet BEPS ikunu affrontati; jappella biex il-kriterji stabbiliti fil-Kodiċi jiġu aġġornati u mwessgħin biex ikopru forom ġodda ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi, anke fil-pajjiżi terzi; jistieden lill-president tal-Grupp u lill-Kunsill jirrapportaw fuq bażi regolari u jiskambjaw informazzjoni mal-kumitat kompetenti dwar l-attivitajiet tal-Grupp, partikolarment fir-rigward tal-preżentazzjoni tar-rapporti biannwali lill-ECOFIN;

126.

Jistieden, b'mod aktar ġenerali, lill-Kunsill isostni l-promozzjoni ta' kontroll demokratiku reali f'materji ta' taxxa transkonfinali fil-livell tal-UE, simili għat-tip ta' dak li diġà huwa fis-seħħ f'materji oħrajn li fihom l-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet indipendenti l-oħra, bħall-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bord tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, igawdu minn kompetenza esklużiva; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jqisu l-possibilità li jitwaqqaf grupp ta' livell għoli dwar il-politika tat-tassazzjoni, li ssuġġerixxa wkoll il-President tal-Kummissjoni; jevidenzja li tali “kumitat dwar it-tassazzjoni”, bl-obbligu li jagħti rendikont lill-Parlament, ikun iħaddan fih il-Kunsill u l-Kummissjoni, fuq il-mudell tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, kif ukoll esperti nazzjonali, u jkun jeżerċita, b'mod aktar ġenerali, superviżjoni tal-politika tat-tassazzjoni leġiżlattiva u mhux u jkun jirrapporta lill-ECOFIN; jitlob li l-Parlament jingħata dritt ta' inizjattiva biex jiddenunzja lill-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta kull miżura nazzjonali li jqis li tissodisfa l-kriterji tal-kompetizzjoni dannuża tat-taxxa inkluża fil-Kodiċi ta' Kondotta;

127.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti t-tieni aġġornament lir-rapport Simmons & Simmons tal-1999 dwar il-prattiki amministrattivi msemmija fil-paragrafu 26 tar-rapport tal-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta, ir-rapport Primarolo (SN 4901/99);

128.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri, fir-rispett dovut għat-Trattati u l-kompetenza tal-Istati Membri f'materji ta' tassazzjoni diretta, itejbu t-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u x-xogħol ta' monitoraġġ tal-Grupp u jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal-leġiżlazzjoni qafas, fl-ambitu tal-metodu Komunitarju; iqis li huwa essenzjali li l-pubbliku ġenerali jingħata aktar informazzjoni dwar ħidmet il-Grupp;

129.

Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta totalment ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman tal-UE fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti u tadotta pjan direzzjonali biex tiżgura li l-gruppi ta' esperti jkunu komposti b'mod ibbilanċjat; jinsisti li, fil-ħidma favur dan l-għan, ir-riformi tal-istruttura u tal-kompożizzjoni attwali għandhom jibdew minnufih; jisħaq fuq il-fatt li tali riformi ma jkunux jirriżultaw f'nuqqas ta' kompetenzi tekniċi disponibbli għar-regolamentazzjoni, billi dawn ikunu jistgħu jaslu bis-saħħa ta' konsultazzjonijiet pubbliċi jew ta' seduti ta' smigħ pubbliku mal-esperti miftuħin għar-rappreżentanti ta' kull interess; jistieden lill-Kummissjoni tadotta definizzjoni ċara ta' kunflitt ta' interess u politiki sodi biex ikun evitat li l-atturi f'riskju ta' tali kunflitti ta' interess u r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet ikkundannati b'evażjoni fiskali jew kwalunkwe reat ieħor, ikunu membri attivi ta' kwalunkwe korp ta' esperti jew ta' konsulenti;

Għajnuna mill-Istat

130.

Japprezza u jsostni b'enerġija r-rwol fundamentali tal-Kummissjoni bħala l-awtorità kompetenti garanti tal-kompetizzjoni fl-inkjesti ta' bħalissa dwar l-għajnuna mill-Istat li jittrattaw id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa; iqis bħala inadegwata l-prattika rikorrenti, adotta minn bosta Stati Membri, ta' segretezza fil-każ ta' proġetti li rċievu l-għajnuna mill-Istat; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tisfrutta bis-sħiħ il-poteri tagħha fl-ambitu tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE biex issib tarf il-prattiki dwar it-taxxa dannużi u tissanzjona lill-Istati Membri u lill-kumpaniji li l-involviment tagħhom f'tali prattiki huwa aċċertat; jisħaq fuq il-bżonn li l-Kummissjoni tiddedika aktar riżorsi – finanzjarji u umani – għat-tisħiħ tal-kapaċità tagħha li tkompli kontemporanjament l-investigazzjonijiet kollha neċessarji dwar l-għajnuna mill-Istat ta' natura fiskali; jissottolinja wkoll il-bżonn li l-Istati Membri jikkonformaw bis-sħiħ mal-investigazzjonijiet u mat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni;

131.

Jistieden lill-Kummissjoni tadotta linji gwida ġodda, sa mhux aktar tard minn nofs is-sena 2017, fl-ambitu tal-inizjattiva tagħha Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat (SAM) u tiċċara l-elementi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat relatata mat-taxxa u prezzar ta' trasferiment “xieraq”, bil-għan li tneħħi l-inċertezzi tad-dritt kemm għall-kontribwenti konformi kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa, kif anke tforni qafas għall-prattiki tal-Istati Membri dwar it-taxxi f'dan is-sens u ma tiskoraġġixxix ir-rikors għal deċiżjonijiet leġittimi fil-qasam tat-taxxa; jikkontesta l-utilità tal-konvenzjoni dwar l-arbitraġġ, li mhijiex effiċjenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, partikolarment fil-kwistjonijiet ta' pprezzar ta' trasferiment; iqis li dan l-istrument għandu jkun riorganizzat u jsir aktar effiċjenti, jew sostitwit b'mekkaniżmu tal-UE ta' riżoluzzjoni tat-tilwim bi proċeduri ta' ftehim reċiproku aktar effikaċi;

132.

Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-investigazzjonijiet tagħha għal kumpaniji multinazzjonali oħrajn imsemmija fl-ambitu tal-iskandlu LuxLeaks u għal miżuri oħra ta' natura jew effett simili, bħall-ipprezzar ta' trasferiment;

133.

Jistieden lill-Kummissjoni, konformement mar-responsabilità usa' assenjata lill-Istati Membri mill-SAM, tqis li toħloq netwerk ta' amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u jikkontribwixxi b'mod aktar konsistenti għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni ta' kwalunkwe miżura fil-qasam tat-taxxa li tista' tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sinerġiji strateġiċi bejn l-attivitajiet tal-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta (riformat) u l-eżekuzzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tar-regoli ta' kompetizzjoni fil-qasam tal-għajnuna relatata mat-taxxi;

134.

Jieħu nota li r-regoli fis-seħħ dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jimmiraw li jaffrontaw il-prassi antikompettitiva billi jirkupraw il-vantaġġi indebiti konċessi lill-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibilità li timmodifika r-regoli eżistenti bil-għan li tippermetti li l-ammonti rkuprati wara ksur tar-regoli tal-UE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jitroddu lura lill-Istati Membri li sofrew minn erożjoni tal-bażi tat-taxxa tagħhom u mhux lill-Istat Membru li jkun kkonċeda l-għajnuna illegali relatata mat-taxxa, bħal ma huwa l-każ bħalissa, jew allokati lill-baġit tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni timmodifika r-regoli eżistenti biex tiggarantixxi l-possibilità li jiġu adottati sanzjonijiet fil-konfront tal-pajjiżi u tal-kumpaniji li jiksru r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat;

Trasparenza

135.

Huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha potenzjal li ssir mudell u jkollha rwol ta' tmexxija fuq livell dinji f'termini ta' trasparenza fiskali;

136.

Jissottolinja l-importanza kruċjali tat-trasparenza bil-għan li tiżdied ir-responsabilità pubblika tal-kumpaniji multinazzjonali u li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jingħataw sostenn fl-investigazzjonijiet tagħhom; jenfasizza li jista' jkollha effett ta' deterrent qawwi u tbiddel l-aġir, kemm permezz tar-riskju għar-reputazzjoni tal-impriżi li ma jikkonformawx kif ukoll permezz tal-forniment tal-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti, li mbagħad ikunu jistgħu jadottaw il-miżuri korrettivi u s-sanzjonijiet xierqa; jissottolinja li l-bżonn li jinstab bilanċ bejn it-trasparenza u l-esiġenza li jitħarsu l-interessi kummerċjali sensittivi u jiġu rispettati r-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data;

137.

Iqis li trasparenza akbar f'dak li għandu x'jaqsam mal-attivitajiet tal-kumpaniji multinazzjonali hija essenzjali biex jiġi garantit li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jkunu jistgħu jikkumbattu b'mod effikaċi l-BEPS; itenni f'dan is-sens il-pożizzjoni tiegħu li l-kumpaniji multinazzjonali fis-setturi kollha jmisshom jiddivulgaw, b'mod ċar u komprensiv, fir-rapporti finanzjarji tagħhom, imqassma għal kull Stat Membru u kull pajjiż terz fejn huma stabbiliti, firxa ta' informazzjoni aggregata, inkluż il-profitt jew it-telf qabel it-taxxa, it-taxxa fuq il-profitt jew it-telf, in-numru ta' impjegati, l-assi li jiddetjenu, l-informazzjoni bażika dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa (rapporti għal kull pajjiż); jissottolinja l-importanza li tali informazzjoni tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, possibbilment fil-forma ta' reġistru ċentrali tal-UE; jissottolinja barra minn hekk li l-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja li mhumiex kumpaniji multinazzjonali għandhom ikunu eżenti minn tali obbligu; jistieden lill-Kunsill jadotta, sa tmiem l-2015, il-pożizzjoni tal-Parlament kif ivvotat fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti f'Lulju 2015; jissottolinja li r-rekwiżiti marbuta mat-trasparenza għandhom ikunu mfassla u implimentati b'tali mod li ma jirriżultawx fi żvantaġġ kompetittiv fil-konfront tal-impriżi tal-UE;

138.

Jistieden ukoll lill-Istati Membri jimplimentaw sistema aktar estiża ta' rapporti għal kull pajjiż għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa, imsejsa fuq l-istandard tal-OECD u jinkludu aktar informazzjoni dettaljata, bħad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa u t-tranżazzjonijiet intragrupp; jenfasizza li l-forniment ta' informazzjoni fiskali min-naħa tal-impriżi lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa l-oħrajn jeħtieġ ikun akkumpanjat minn titjib fil-qafas tar-riżoluzzjoni tat-tilwim bil-għan li jiġu ċċarati d-drittijiet rispettivi ta' kull parti u jiġi evitat kull effett sekondarju negattiv; jissottolinja li, fil-konfront tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-pajjiżi terzi, l-informazzjoni għandha tintbagħat biss lill-awtoritajiet ta' dawk il-pajjiżi li kkonkludew arranġamenti ekwivalenti għal dawk previsti mill-Konvenzjoni dwar l-Arbitraġġ tal-Unjoni Ewropea; jitlob barra minn dan l-iżvilupp ta' standards tal-kontabilità armonizzati li jippermettu informazzjoni aktar dettaljata għal dak li għandu x'jaqsam mar-royalties;

139.

Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa din il-pożizzjoni, konformement mal-valutazzjonijiet u mal-pożizzjonijiet tagħha tal-imgħoddi, u tieħu l-passi kollha neċessarji ħalli tkun garantita l-applikazzjoni tagħha għall-kumpaniji multinazzjonali kollha li joperaw fis-suq intern, u jistieden lill-OECD tappoġġa l-estensjoni tiegħu mad-dinja kollha biex jiġi żgurat li l-obbligi simili japplikaw għall-impriżi kollha impenjati f'operazzjonijiet transkonfinali; jissottolinja l-fatt li l-azzjoni mmirata lejn it-titjib tat-trasparenza, għad li neċessarja, ma tikkostitwixxix mezz suffiċjenti biex tiġi affrontata l-kwistjoni b'mod globali u li s-sistemi tat-taxxa nazzjonali, tal-UE u internazzjonali jeħtieġu wkoll riformi sostanzjali;

140.

Jenfasizza li l-opaċità attwali fis-sistema fiskali internazzjonali tħalli lill-kumpaniji multinazzjonali jevitaw it-taxxi, jaħarbu mil-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali u jittrasferixxu l-profitti tagħhom f'rifuġji fiskali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess sħiħ għar-reġistri ċentrali ta' sjieda benefiċjarja kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-kumpaniji fiduċjarji (trusts), skont ir-raba' Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu malajr ir-raba' Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, u jiżguraw aċċess wiesa' u semplifikat għall-informazzjoni li tinsab fir-reġistri ċentrali tas-sidien benefiċjarji; itenni l-pożizzjoni tiegħu favur in-natura pubblika ta' dawn ir-reġistri;

141.

Jirrikonoxxi l-ħidma li għamlet il-Kummissjoni favur il-ħolqien ta' numru ta' identifikazzjoni tal-kontribwent Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal numru ta' identifikazzjoni tal-kontribwent Ewropew, fuq il-bażi tal-ispjegazzjoni ta' numru ta' identifikazzjoni tal-kontribwent Ewropew fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa tal-2012 (azzjoni 22); ifakkar li n-numri ta' identifikazzjoni tal-kontribwent jitqiesu li joffru l-aħjar mezz ta' identifikazzjoni tal-kontribwenti u jħeġġeġ, għalhekk, l-aċċelerazzjoni ta' dan il-proġett; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod analogu, taħdem attivament favur il-ħolqien ta' numru ta' identifikazzjoni simili fuq livell globali, bħall-identifikatur tal-Entità Ġuridika Globali (LEI) tal-Kumitat tas-Sorveljanza Regolatorja;

142.

Jissottolinja, barra minn hekk, li t-trasparenza hija wkoll importanti fl-investigazzjonijiet ta' bħalissa dwar l-għajnuna mill-Istat fid-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa,

143.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li tapplika fl-UE d-dispożizzjonijiet simili għar-regola (48) tal-Governmental Accounting Standards Board (GASB) tal-Istati Uniti, li tobbliga lill-gvernijiet statali u lokali jirrapportaw il-volum ta' dħul li jitilfu minħabba l-ħelsien mit-taxxa konċess lill-impriżi għal finijiet tal-iżvilupp ekonomiku;

Protezzjoni tal-informaturi

144.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi, sa Ġunju 2016, qafas leġiżlattiv tal-UE għall-protezzjoni effettiva tal-informaturi u simili; jisħaq fuq il-fatt li huwa inaċċettabbli li ċ-ċittadini u l-ġurnalisti jistgħu jkunu suġġetti għal proċediment ġudizzjarju pjuttost milli protezzjoni legali meta, huma u jaġixxu fl-interess pubbliku, jikxfu informazzjoni jew jirrapportaw suspetti ta' mġiba ħażina, illeċitu, frodi jew attività illegali, partikolarment dwar każijiet ta' evitar tat-taxxa, evażjoni tat-taxxa, ħasil ta' flus, jew kull aġir ieħor li jikser il-prinċipji fundamentali tal-UE, bħall-prinċipju tal-kooperazzjoni leali;

145.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis firxa ta' strumenti intiżi li jiżguraw tali protezzjoni kontra proċedimenti ġudizzjarji inġustifikati, sanzjonijiet ta' natura ekonomika u diskriminazzjoni, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u tas-sigrieti kummerċjali; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-eżempju tad-Dodd-Frank Act tal-Istati Uniti, li jħallas lill-informaturi talli fornew lill-awtoritajiet informazzjoni oriġinali u jipproteġihom minn proċedimenti ġudizzjarji kontrihom u mit-telf tal-impjieg, fid-dawl tal-fatt li tali ħlas ma għandux jikkostitwixxi stimolu għall-pubblikazzjoni ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva; jipproponi l-ħolqien ta' korp Ewropew indipendenti responsabbli mill-ġbir ta' tali informazzjoni u mit-twettiq tal-investigazzjonijiet, kif ukoll il-kostituzzjoni ta' fond komuni pan-Ewropew għall-informaturi, biex ikun żgurat li l-informaturi jirċievu assistenza finanzjarja adegwata, it-tnejn li huma ffinanzjati minn imposta fuq proporzjon tal-fondi rkuprati jew mill-multi mwaħħla; huwa tal-fehma li l-protezzjoni għandha tiġi konċessa lill-informaturi fil-każ li jinformaw lill-pubbliku wara li jkunu avżaw lill-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali jew tal-UE, wara l-assenza ta' reazzjoni fi żmien xahar;

Responsabilità Soċjali Korporattiva

146.

Jemmen li l-attwazzjoni ta' strateġija fiskali responsabbli trid tiġi kkunsidrata bħala wieħed mill-pilastri tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva (CSR), partikolarment skont id-definizzjoni aġġornata tas-CSR bħala “ir-responsabbiltà tal-impriżi għall-impatti tagħhom fuq is-soċjetà” (49); jiddispjaċih li l-maġġor parti tal-impriżi ma jinkludux dan il-kunċett fir-rapport dwar is-CSR tagħhom; jissottolinja li l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva hija inkompatibbli mas-CSR; jistieden lill-Kummissjoni ddaħħal lil dan il-kunċett u tiddefinixxi korrettament il-kontenut tiegħu, fi strateġija aġġornata tal-UE fil-qasam tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva;

Dimensjoni tal-pajjiżi terzi

OECD

147.

Isostni l-pjan ta' azzjoni tal-OECD dwar il-BEPS, u jirrikonoxxi li huwa frott ta' kompromess li mhuwiex biżżejjed biex ivinċi l-problema tal-evitar tat-taxxa fiskali fil-kobor tagħha kollu u li dawn il-proposti jmisshom ikunu l-pedamenti għall-azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE u globali; jistieden lill-OECD, lill-Istati Membri tagħha u lill-pajjiżi kollha l-oħra involuti joħolqu strument ta' monitoraġġ b'saħħtu biex jivvaluta l-progress miksub fl-implimentazzjoni ta' dawk il-linji gwida, jiksbu provi tal-effikaċja tagħhom u, eventwalment, jieħdu azzjoni korrettiva;

148.

Jirrakkomanda li l-kuntatti istituzzjonali u l-kooperazzjoni bejn l-OECD u l-Kummissjoni jissaħħu bil-għan li tibqa' tkun żgurata l-kompatibilità taż-żewġ proċessi u jiġi evitat ir-rikors għal kriterji differenti; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu fil-pront il-leġiżlazzjoni tal-UE bbażata fuq il-linji gwida tal-OECD fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b'hekk l-UE tkun fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-OECD; jissottolinja, iżda, li l-approċċ tal-OECD għadu msejjes fuq regoli mhux vinkolanti u li l-azzjoni tagħha trid tkun integrata minn qafas leġiżlattiv adegwat fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tas-suq uniku, eż. fil-forma ta' direttiva kontra l-BEPS li tmur lil hinn mill-inizjattivi tal-OECD fil-qasam tal-BEPS f'setturi mhux biżżejjed koperti;

Rifuġji fiskali

149.

Jappella għal approċċ komuni tal-UE rigward ir-rifuġji fiskali; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, tkompli l-ħidma tagħha fuq elaborazzjoni u adozzjoni ta' definizzjoni Ewropea, ġabra komuni ta' kriterji biex jiġu identifikati r-rifuġji fiskali, indipendentement mill-post fejn jinsabu, u s-sanzjonijiet adegwati għall-pajjiżi li jikkooperaw magħhom, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tagħha ta' Diċembru 2012 dwar il-miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi japplikaw standards minimi ta' governanza tajba f'materji ta' taxxa (jiġifieri jmorru oltre l-iskambju ta' informazzjoni u t-trasparenza biex jinkludu kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa u tassazzjoni effettiva) u għall-kumpaniji li jirrikorru għalihom għal skopijiet ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, u fuq id-definizzjoni ta' miżuri komuni xierqa li japplikaw għal dawn il-ġurisdizzjonijiet; jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar “il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u r-rifuġji fiskali” għal lista mhux eżawstiva ta' tali miżuri possibbli (50); itenni li listi tassew Ewropej, aġġornati regolarment u bbażati fuq indikaturi kompresivi, trasparenti, sodi, oġġettivament verifikabbli u komunement aċċettati, ikunu aktar effikaċi bħala mezz ta' promozzjoni tal-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u ta' tibdil tal-imġiba f'materji ta' taxxa lejn u fi ħdan tali ġurisdizzjonijiet;

150.

jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-lista s-sewda Ewropea t-territorji li jikkonċedu vantaġġi fiskali lil entitajiet mingħajr ma jitolbuhom jiżvolġu attivitajiet ekonomiċi sostanzjali fil-pajjiż, li japplikaw tassazzjoni effettiva konsiderevolment baxxa u li ma jiggarantixxux l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fiskali mal-ġurisdizzjonijiet l-oħrajn;

151.

Jenfasizza, b'mod partikolari, il-bżonn li jiġi garantit li l-flussi finanzjarji uxxenti jiġu tal-anqas intaxxati darba, pereżempju billi tkun imposta taxxa minn ras il-għajn jew miżuri ekwivalenti, ħalli jkun evitat li l-profitti jitilqu mill-UE mingħajr ma jkunu intaxxati, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva f'dan is-sens, ngħidu aħna permezz tar-reviżjoni tad-Direttivi dwar Kumpanniji Prinċipali u Sussidjarji, dwar l-Imgħax u dwar ir-Royalties; jinsisti fuq l-istituzzjoni ta' sistema bil-għan li tiggarantixxi l-preżentazzjoni ta' dokument ta' konferma lill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa u l-komunikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni biex jiċċertifika din l-operazzjoni, b'hekk jitħares is-suq uniku u tinżamm il-konnessjoni bejn il-post fejn il-profitti u l-valur ekonomiku huma ġġenerati u l-post fejn dawn huma suġġetti għat-taxxa; jissottolinja li tali sistema għandha tiġi elaborata b'attenzjoni biex ikunu evitati t-tassazzjoni doppja u t-tilwim; jistieden lill-Kummissjoni, hija u tappoġġa l-promozzjoni min-naħa tal-OECD ta' approċċ multilaterali fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' taxxa mmirat biex jirrazzjonalizza s-sistemi fiskali internazzjonali u tiggarantixxi li l-profitti jkunu intaxxati fil-post fejn jiġi ġġenerat il-valur, issaħħaħ ir-rwol tal-UE fix-xena internazzjonali billi titkellem b'vuċi waħda u taħdem fuq l-iżvilupp ta' qafas komuni tal-UE għat-trattati bilaterali f'materji ta' taxxa u sostituzzjoni progressiva ta' numru mdaqqas ta' trattati bilaterali individwali f'materji ta' taxxa bi trattati bejn l-UE u l-ġurisdizzjonijiet terzi; jenfasizza li dan ikun l-aktar mod immedjat biex taffronta il-prattiki ta' “treaty-shopping” (għażla opportunistika tat-trattat l-aktar vantaġġuż); jistieden, sadattant, lill-Istati Membri jdaħħlu fit-trattati dwar it-taxxa klawsoli kontra l-abbużi, skont il-proposti BEPS;

152.

Iqis li t-twaqqif ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles jeħtieġ ikun akkumpanjat b'kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa, li tipprevjeni l-evitar tat-taxxa minn impriżi li jikkompetu fl-istess swieq u tiżgura kundizzjonijiet ta' parità; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, iddaħħal dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles kollha tal-UE li lill-pajjiżi sħab ikunu jorbtuhom li japplikaw il-governanza fiskali tajba u jiżguraw ir-reċiproċità f'materji ta' taxxa; jisħaq li x-xogħol li għamlet il-Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa jirrappreżenta bażi tajba li fuqha dan il-kunċett jista' jiġi implimentat; jissottolinja l-fatt li l-istess jgħodd għall-ftehimiet ta' kooperazzjoni tal-UE;

153.

Jistieden lill-korpi tal-UE ma jikkooperawx mal-ġurisdizzjonijiet meqjusin ftit kollaborattivi f'materji ta' taxxa, u lanqas mal-kumpaniji kkundannati bi frodi tat-taxxa, evażjoni tat-taxxa jew pjanifikazzjoni fiskali aggressiva; jitlob li l-istituzzjonijiet bħall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) ma jibqgħux jikkooperaw, permezz l-intermedjarji finanzjarji tagħhom, mal-ġurisdizzjonijiet fiskali li ma jikkooperawx; jitlob ukoll lill-korpi tal-UE jimpenjaw ruħhom ma jikkonċedux finanzjamenti mill-UE lil kumpaniji kkundannati bi frodi tat-taxxa, evażjoni tat-taxxa jew pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

154.

Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex trawwem approċċ aktar ikkoordinat fil-konfront tal-pajjiżi żviluppati bil-għan li tippromwovi aktar reċiproċità f'materji ta' taxxa, partikolarment fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni mal-Istati Uniti tal-Amerka wara li jidħol fis-seħħ l-Att dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (FATCA); jistieden ukoll lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-ftehim tas-27 ta' Mejju 2015 bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji, tissorvelja b'attenzjoni, bil-għan li tħares is-suq uniku, l-eliminazzjoni gradwali maqbula ta' ċerti prattiki dwar it-taxxa dannużi fl-Iżvizzera, konformement mal-linji gwida BEPS u li ma tiġi introdotta l-ebda miżura ġdida dwar it-taxxa dannuża fil-futur; jistieden lill-Kummissjoni, fin-negozjati tagħha li għaddejjin mal-Iżvizzera, tissuġġerixxi l-introduzzjoni fid-dritt Żvizzeru ta' regoli dwar il-kumpaniji kkontrollati minn barra l-pajjiż; jinsisti li l-Kummissjoni trid tiżgura li l-Iżvizzera ssegwi l-approċċ tal-UE fil-qasam tat-tassazzjoni u tirrapporta lill-Parlament Ewropew;

155.

Ifakkar li l-Istati Membri kollha għażlu approċċ multilaterali ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni, permezz tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Amministrattiva fil-Qasam tat-Taxxa u permezz tar-rieżami tal-2014 tad-direttivi rilevanti tal-UE (51); jissottolinja li dawn iż-żewġ inizjattivi huma elementi kruċjali għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u s-sigriet bankarju, inkwantu jinvolvu l-obbligu tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jirrapportaw lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa firxa wiesgħa ta' informazzjoni rigward ir-residenti b'introjtu ġġenerat minn assi li jiddetjenu barra minn pajjiżhom;

Pajjiżi li qed jiżviluppaw

156.

Jevidenzja l-fatt li, fuq livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali, għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u, partikolarment, tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, li normalment huma dawk li l-aktar jintlaqtu mill-evitar tat-taxxa korporattiva u għandhom bażijiet ta' taxxa ristretti ħafna u proporzjonijiet baxxi ta' taxxa/PDG, meta jiġu pproġettati azzjonijiet u politiki kontra l-evitar tat-taxxa; jisħaq fuq il-fatt li dawn l-azzjonijiet u l-politiki għandhom jikkontribwixxu biex jiġġeneraw dħul pubbliku proporzjonat għall-valur miżjud iġġenerat fit-territorju tagħhom, bil-għan li jiffinanzja adegwatament l-istrateġiji ta' żvilupp tagħhom, il-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u tal-aġenda ta' żvilupp ta' wara l-2015; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, ix-xogħol tal-Kumitat tal-Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali f'Materji ta' Taxxa; jitlob lill-Kummissjoni ssostni l-interessi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-inizjattivi internazzjonali eżistenti u tinkludi r-rappreżentanti minn tali pajjiżi fil-Pjattaforma għall-Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa tagħha;

157.

Jistieden lill-membri tal-UE u tal-OECD parteċipanti fil-proġett BEPS jiżguraw li l-“Istandard Globali għall-Iskambju Awtomatiku ta' Informazzjoni” l-ġdid żviluppat mill-OECD jinkludi perjodu ta' tranżizzjoni għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li attwalment ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-qasam tal-iskambju reċiproku u awtomatiku ta' informazzjoni minħabba n-nuqqas ta' kapaċità amministrattiva;

158.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi aktar miżuri biex jgħinu t-titjib tal-kapaċitajiet amministrattivi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari f'materji ta' taxxa, bil-għan li jitħalla skambju effikaċi ta' informazzjoni dwar it-taxxa mal-amministrazzjonijiet tagħhom; jappella biex titwaqqaf pjattaforma għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jkun implimentat il-proġetti pilota dwar l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni; jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jippromwovu l-ftehimiet reġjonali jew forom oħrajn ta' kooperazzjoni dwar materji ta' taxxa biex itejbu l-pożizzjoni tagħhom fin-negozjati mal-investituri diretti barranin u mal-kumpaniji multinazzjonali u jittrattaw kwistjonijiet ta' interess komuni;

159.

Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-aġenziji tagħhom ta' għajnuna għall-iżvilupp ikollhom biżżejjed kompetenzi tekniċi, li ġejjin partikolarment mill-ministeri tal-finanzi u mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa, biex isibu tarf il-kwisjonijiet fil-qasam tat-taxxa fil-politiki ta' żvilupp;

160.

Jirreferi għall-pjan ta' azzjoni ppreżentat fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinkoraġġixxi lill-pajjiżi u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha, bħan-Nazzjonijiet Uniti, ikunu parti minn proċess inklużiv u jikkontribwixxu għall-aġenda tal-G20/OECD dwar it-taxxa, billi isibu tarf il-BEPS, jippromwovu t-trasparenza internazzjonali fil-qasam tat-taxxa u l-kondiviżjoni globali tal-informazzjoni dwar it-taxxa, pereżempju permezz tal-iżvilupp ta' standard komuni u uniku ta' rappurtar fil-qasam tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni jew id-divulgazzjoni pubblika tas-sjieda benefiċjarja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw rwol akbar tan-Nazzjonijiet Uniti fit-taħditiet internazzjonali futuri f'materji ta' taxxa, pereżempju billi jinċentivaw il-ħolqien ta' entità fiskali globali taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Unitit;

Konsulenti fiskali

161.

Jiġbed l-attenzjoni għall-avviċinament problematiku u diskutibbli, fi ħdan l-istess impriża, tal-attivitajiet ta' konsulenza u ta' awditjar dwar it-taxxa maħsuba, minn naħa, biex jaqdu l-bżonnijiet tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa, eż. għall-elaborazzjoni tas-sistemi fiskali jew għat-titjib tal-ġbir tat-taxxi, u, min-naħa l-oħra, biex ifornu servizzi ta' ppjanar tat-taxxa għall-kumpaniji multinazzjonali mill-oħra, li jistgħu jkunu qegħdin jisfruttaw il-lakuni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tat-taxxa;

162.

Jindika li jeżisti qafas ġuridiku Ewropew, li jinkludi l-aktar pakkett reċenti ta' riformi tas-suq tal-awditjar, approvat mill-Parlament fit-3 ta' April 2014 (52); jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti jkunu applikati fl-Istati Membri fi żmien it-termini previsti u skont l-objettivi segwiti;

163.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għal linji gwida għas-settur tas-servizzi ta' konsulenza fiskali u għat-twaqqif ta' reġim ta' inkompatibilità tal-UE għall-konsulenti fil-qasam tat-taxxa u, jekk ikun il-każ, għall-banek, bil-ħolqien ta' qafas li jipprevjeni effettivament il-kunflitti ta' interess bejn is-servizzi lis-settur pubbliku u dak privat;

164.

Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tniedi indaġni biex tivvaluta l-istat ta' konċentrazzjoni tas-settur u kull eventwali distorsjoni tal-kompetizzjoni; jirrakkomanda li din l-indaġni teżamina wkoll b'mod speċifiku jekk il-kombinazzjoni tal-konsulenza fiskali u l-funzjonijiet ta' awditjar fi ħdan l-istess impriża tistax twassal għal kunflitti ta' interess, u tipproponi miżuri f'dan is-sens, anke billi tintroduċi mekkaniżmi ta' separazzjoni tas-servizzi ta' konsulenza fl-impriżi;

165.

Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta b'urġenza l-possibilità li tintroduċi qafas leġiżlattiv għal sanzjonijiet suffiċjenti għall-impriżi, banek, ditti kontabilistiċi u konsulenti finanzjarji li fil-konfront tagħhom intwera li kienu involuti fl-implimentazzjoni jew fil-promozzjoni tal-evitar tat-taxxa illegali u tal-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva; jissottolinja li dawn is-sanzjonijiet għandhom ikollhom effett ta' deterrent u jistgħu jinkludi, fost affarijiet oħra, multi, divjet ta' aċċess fil-finanzjamenti mill-baġit tal-UE, projbizzjoni ta' kwalunkwe rwol konsultattiv fl-istituzzjonijiet tal-UE u, f'każijiet estremi u ripetuti, revoka tal-liċenzji kummerċjali;

Azzjoni ulterjuri fuq livell nazzjonali

166.

Jinkoraġġixxi azzjoni ulterjuri fil-livell nazzjonali biex l-evitar tat-taxxa tiġi affrontata, fi ħdan l-oqfsa tal-UE u tal-OECD, peress li r-reazzjonijiet mhux ikkoordinati jistgħu joħolqu aktar asimmetriji u opportunitajiet ta' imbrolji tat-taxxa; jisħaq fuq il-fatt li l-aħjar strument biex tiġi miġġielda l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa huwa l-kooperazzjoni, minflok l-introduzzjoni unilaterali ta' reġimi preferenzjali biex attiraw l-investimenti;

167.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida dwar l-amnistiji fiskali konċessi mill-Istati Membri bl-iskop li jiġu definiti ċ-ċirkostanzi li fihom tali amnistiji jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-UE marbuta maċ-ċirkolazzjoni libera tal-kapital, mal-libertà tal-għoti ta' servizzi, mar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u tal-ħasil ta' flus, u l-approċċ komuni tal-UE kontra r-rifuġji fiskali; ifakkar il-bżonn li jsir rikors għal tali prattiki b'kawtela estrema bil-għan li min jevita t-taxxa ma jkunx inċentivat li jistenna l-amnistija li jmiss;

168.

Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu sistema ta' taxxi minn ras il-għajn fuq ir-royalties, biex ikun żgurat li anke r-royalties imħallsa lill-pajjiżi terzi mhux kontemplati minn ftehimiet bilaterali fil-qasam tat-taxxa jkunu suġġetti għat-taxxa;

169.

Iħeġġeġ lil kull Stat Membru jwettaq, meta meħtieġ bis-saħħa tal-appoġġ tekniku tal-Kummissjoni, valutazzjonijiet tal-impatt li jkopru l-effetti konsegwenzjali fil-pajjiżi l-oħra, qabel ma jintroduċu eventwali miżuri tat-taxxa li jista' jkollhom impatt barra mill-pajjiż; jagħmel appell favur l-involiment qawwi tal-parlamenti nazzjonali fil-kwistjoni tal-evitar tat-taxxa billi l-ebda reġim jew trattament fil-qasam tat-taxxa ma għandu jaħrab minn valutazzjoni u kontroll demokratiku xierqa tal-leġiżlatur;

170.

Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jinterrompu u jerġgħu jikkunsidraw it-tqaċċit tar-riżorsi tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tagħhom, jintensifikaw l-investimenti u jżidu l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tagħhom kif ukoll jiżguraw mobilità effikaċi tal-persunal u tat-teknoloġija u aġġornamenti tal-kompetenzi, bil-għan li jinstab tarf l-iżvilupp u l-impatt tal-prattiki dwar it-taxxa dannużi, li qegħdin isiru dejjem iktar sofistikati; jistieden lill-Kummissjoni tforni sostenn tekniku għal dawn l-isforzi, partikolarment fil-kuntest tal-programm FISCALIS 2020; jistieden ukoll lill-Istati Membri jaħdmu favur reġimi ta' tassazzjoni aktar sempliċi, effikaċi u trasparenti fl-interess tal-Istati Membri, taċ-ċittadini u tal-impriżi;

171.

Ifakkar li l-akkwist pubbliku jirrappreżenta 16 % tal-PDG fit-territorju tal-UE; jitlob valutazzjoni tal-possibilità li jiddaħħlu kriterji ta' tassazzjoni, trasparenza jew kooperazzjoni fis-sejħiet għall-offerti ta' akkwist pubbliku matul il-proċess ta' emenda li jmiss tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-possibilità li jeskludu mill-parteċipazzjoni fl-akkwist pubbliku l-kumpaniji li jirriżultaw li segwew pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u skemi ta' evitar tat-taxxa;

172.

Jenfasizza, fl-aħħar nett, li r-regola tal-unanimità fi ħdan il-Kunsill, bid-dritt ta' veto ta' kull Stat Membru, tnaqqas l-inċentiv li ngħaddu mill-istatus quo għal soluzzjoni aktar kooperattiva; jistieden lill-Kummissjoni ma tastjenix milli tagħmel użu, meta xieraq, tal-Artikolu 116 tat-TFUE li jiddisponi s-segwenti: “Jekk il-Kummissjoni ssib li d-differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet, regolamenti jew regoli amministrattivi tal-Istati Membri qed iwasslu għal kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni distorti fis-suq intern, u b'hekk iġibu nuqqas ta' bilanċ li jitlob korrezzjoni, hija għandha tikkonsulta mal-Istati Membri interessati. Jekk dawk il-konsultazzjonijiet ma jwasslux għal ftehim li bih in-nuqqas ta' bilanċ imsemmi jiġi korrett, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom joħorġu d-direttivi meħtieġa għal dan il-għan […]”;

173.

Jimpenja ruħu li jkompli l-ħidma li beda l-Kumitat Speċjali tiegħu, ivinċi l-ostakli li jxekklu lill-Kumitat Speċjali tiegħu milli jlesti l-mandat sħiħ tiegħu u jiżgura li jingħata segwitu xieraq lir-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti biex jidentifikaw l-aqwa struttura istituzzjonali biex jinkiseb dan il-għan;

174.

Itenni t-talba tiegħu għal aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha tal-UE; jistieden lill-President tiegħu jgħaddi din it-talba lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, u jgħarraf li l-Parlament huwa determinat li jirrikorri għal kull mezz possibbli għad-dispożizzjoni tiegħu biex jilħaq dan il-għan;

175.

Jistieden lill-kumitat kompetenti jagħti segwitu lil dawn ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport fuq inizjattiva leġiżlattiva imminenti dwar l-istess suġġett;

176.

Jistieden lill-kumitat kompetenti għall-affarijiet kostituzzjonali jagħti segwitu lil dawn ir-rakkomandazzjonijiet, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mal-inseriment ta' klawsoli ta' kooperazzjoni vinkolanti fil-Kodiċi ta' Kondotta tal-organizzazzjonijiet inklużi fir-registru ta' trasparenza, u l-modifiki tar-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, bil-għan li jiġu allinjati aħjar mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilita fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

o

o o

177.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-parlamenti nazzjonali, lill-G20 u lill-OECD.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0039.

(2)  Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1), dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.

(3)  Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/49/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta' mgħax u ta' royalties bejn kumpaniji assoċjati ta' Stati Membri differenti (ĠU L 157, 26.6.2003, p. 49).

(4)  ĠU L 225, 20.8.1990, p. 6.

(5)  ĠU L 158, 27.5.2014, p. 196.

(6)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(7)  ĠU L 336, 27.12.1977, p. 15.

(8)  ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

(9)  ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3

(10)  ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 134.

(11)  ĠU C 2, 6.1.1998, p. 2.

(12)  Testi adottati, P8_TA(2015)0257.

(13)  Testi adottati, P8_TA(2015)0265.

(14)  Testi adottati, P8_TA(2015)0089.

(15)  Testi adottati, P8_TA(2015)0062.

(16)  Testi adottati, P7_TA(2013)0444.

(17)  Testi adottati, P7_TA(2013)0205.

(18)  ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 53.

(19)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 37.

(20)  ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 29.

(21)  “Taxation trends in the European Union” (Tendenzi tat-Tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea) edizzjoni tal-2014, Eurostat.

(22)  “Taxation trends in the European Union” (Tendenzi tat-Tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea), Kotba statistiċi tal-Eurostat, edizzjoni tal-2014.

(23)  Kummissjoni Ewropea (2015), “SME taxation in Europe – an empirical study of applied corporate income taxation for SMEs compared to large enterprises” (It-tassazzjoni tal-SMEs fl-Ewropa – studju empiriku tat-tassazzjoni korporattiva applikata għall-SMEs meta mqabbla ma' impriżi kbar).

(24)  Dokumenti tematiċi tal-FMI: “Spillovers in international corporate taxation” (Effetti konsegwenzjali fit-tassazzjoni korporattiva internazzjonali), 9 ta' Mejju 2014 u “Base Erosion, Profit Shifting and Developing Countries” (L-Erożjoni tal-Bażi, it-Trasferiment tal-Profitti u l-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw), 29 ta' Mejju 2015.

(25)  Rapport tal-10 ta' Frar 2012 minn Richard Murphy FCA intitolat “Closing the European Tax Gap” (Innaqqsu d-Distakk Fiskali Ewropew).

(26)  “European added value of legislative report on bringing Transparency, coordination and convergence to corporate tax policies in the European Union” (Il-valur miżjud Ewropew tar-rapport leġiżlattiv intitolat Indaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni), Dr Benjamin Ferrett, Daniel Gravino u Silvia Merler – Parlament Ewropew.

(27)  “Unhappy meal – €1 Billion in Tax Avoidance on the Menu at McDonald’s” (Mhux Happy Meal – EUR 1 Biljun f'Taxxa Evitata fuq il-Menù għand McDonald's), EPSU et al., Frar 2015.

(28)  Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2015 intitolat “Corporate Income Taxation in the European Union” (It-Tassazzjoni tad-Dħul Korporattiv fl-Unjoni Ewropea) (SWD(2015)0121).

(29)  “A study on R&D Tax incentives” (Studju dwar l-Inċentivi Fiskali għar-Riċerka u l-Iżvilupp), Dokument dwar it-Tassazzjoni Nru 52-2014, Kummissjoni Ewropea.

(30)  “Transfer pricing: Keeping it at arm's length” (Inżommu distakk mill-ipprezzar ta' trasferiment) OECD Observer 230, Jannar 2002 (ikkoreġut fl-2008).

(31)  Kamra tal-Komuni, xhieda orali quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, 31 ta' Jannar 2013.

(32)  Stqarrija għall-istampa tal-OECD, “OECD urges stronger international co-operation on corporate tax” (L-OECD tħeġġeġ favur kooperazzjoni internazzjonali aktar b'saħħitha fir-rigward tat-taxxa korporattiva), 12.2.2013.

(33)  “SME taxation in Europe – an empirical study of applied corporate income taxation for SMEs compared to large enterprises” (It-tassazzjoni tal-SMEs fl-Ewropa – studju empiriku tat-tassazzjoni korporattiva applikata għall-SMEs meta mqabbla ma' impriżi kbar) – Kummissjoni Ewropea, Mejju 2015, u P. Egger, W. Eggert u H. Winner (2010), “Saving taxes through foreign plant ownership” (Iffrankar ta' taxxi permezz ta' sjieda barranija tal-impjanti), Journal of International Economics 81, p. 99-108.

(34)  C-106/09 P u C-107/09 P, il-Kummissjoni vs il-Gvern ta' Ġibiltà u r-Renju Unit, sentenza tal-15 ta' Novembru 2011.

(35)  Jekk il-miżuri adottati mill-Istat Membru jkunu jirrigwardaw is-sistema tat-taxxa kollha kemm hi, ikunu jikkosttiwixxu aġġustamenti fil-politika fiskali ġenerali u mhux għajnuna mill-istat.

(36)  Nota mibgħuta mill-Kummissarju Vestager lill-Kumitat TAXE fid-29 ta' April 2015.

(37)  Kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE, rigward l-obbligu ta' kooperazzjoni u tal-għoti tad-dokumenti meħtieġa kollha.

(38)  Dokument tematiku tal-FMI, “Spillovers in international corporate taxation” (Effetti konsegwenzjali fit-tassazzjoni korporattiva internazzjonali), 9 ta' Mejju 2014.

(39)  Dokument ta' ħidma tal-FMI “Base Erosion, Profit Shifting and Developing Countries” (L-Erożjoni tal-Bażi, it-Trasferiment tal-Profitti u l-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw), Mejju 2015.

(40)  Studju “Tax revenue mobilisation in developing countries: issues and challenges” (Mobilizzazzjoni tad-dħul mit-taxxa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: problemi u sfidi), Parlament Ewropew, April 2014.

(41)  Rapport dwar l-Investiment Dinji 2015, Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp.

(42)  Rapport ta' Christian Aid, 2008.

(43)  ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 41.

(44)  Airbus, BNP Paribas, SSE plc, Total S.A.

(45)  Amazon, Anheuser-Busch InBev, Barclays Bank Group, Coca-Cola Company, Facebook, Google, HSBC Bank plc, IKEA, McDonald's Corporation, Philip Morris, Walt Disney Company.

(46)  Fiat Chrysler Automobiles, Walmart.

(47)  Il-Kodiċi ta' Kondotta stabbilit fl-Anness 3 tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-2014 dwar ir-Reġistru tat-Trasparenza.

(48)  “Tracking corporate tax breaks: a welcome new form of transparency emerges in the US”, Tax Justice Network.

(49)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva” (COM(2011)0681), p. 7.

(50)  Fost l-oħrajn, dawn il-miżuri jinkludu stediniet lill-awtoritajiet rilevanti biex: jissospendu jew itemmu l-Konvenzjonijiet eżistenti dwar it-Taxxa Doppja mal-ġurisdizzjonijiet li qegħdin fuq il-lista sewda; jipprojbixxu l-aċċess għall-akkwist pubbliku tal-UE ta' prodotti u servizzi u biex jirrifjutaw l-għoti ta' għajnuna statali lil kumpaniji bbażati f'ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda; jipprojbixxu istituzzjonijiet finanzjarji u konsulenti finanzjarji tal-UE milli jistabbilixxu jew ikollhom sussidjarji u fergħat fil-ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda u biex iqisu li jirrevokaw il-liċenzji għal istituzzjonijiet finanzjarji u konsulenti finanzjarji Ewropej, li jkollhom fergħat u jkomplu joperaw f'ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda: jintroduċu imposta speċjali fuq it-tranżazzjonijiet kollha minn u lejn ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda; jeżaminaw firxa ta' għażliet, fl-UE, għan-nuqqas ta' rikonoxximent tal-istatus legali ta' kumpaniji mwaqqfa f'ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda; japplikaw ostakli tariffarji f'każijiet ta' kummerċ ma' pajjiżi terzi fuq il-lista s-sewda.

(51)  Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tfaddil u Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva tal-UE

(52)  Testi adottati, P7_TA(2014)0283 u P7_TA(2014)0284.


ANNESS 1

LISTA TA' PERSUNI LI MAGĦHOM SARU LAQGĦAT

(LAQGĦAT TAL-KUMITAT U DELEGAZZJONIJIET)

Data

Kelliema

30.3.2015

Pierre Moscovici, Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana

16.4.2015

Serge Colin, President tal-UFE (Unjoni tal-Persunal tal-Finanzi)

Fernand Müller, President tal-kumitat fiskali tal-UFE

Paulo Ralha, President tat-Trade Union Portugiża tal-Ħaddiema tat-Taxxi

François Goris (President tal-UNSP-NUOD) għall-Konfederezzjoni Ewropea tat-Trade Unions Indipendenti (CESI)

Nadja Salson, Federazzjoni tat-Trade Unions Ewropea tas-Servizzi Pubbliċi

Henk Koller, President tal-Federazzjoni Ewropea tal-Konsulenti Fiskali (CFE)

Olivier Boutellis-Taft, Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni tal-Kontabilisti Ewropej (FEE)

Ravi Bhatiani, Direttur tal-Affarijiet Ġuridiċi ta' Independent Retail Europe

5.5.2015

Margrethe Vestager, Kummissarju għall-Kompetizzjoni

Wolfgang Nolz, President tal-Grupp tal-Kodiċi tal-Kondotta

Jane McCormick, assoċjat prinċipali fil-qasam tat-taxxa, responsabbli mill-politika tat-tassazzjoni fl-EMA (Ewropa, Lvant Nofsani u Afrika), KPMG

Chris Sanger, assoċjat, responsabbli globali mill-politika tat-tassazzjoni, Ernst&Young

Stef van Weeghel, assoċjat PwC, responsabbli mill-qasam tal-politika tat-tassazzjoni globali

Bill Dodwell, responsabbli mill-politika tat-tassazzjoni ta' Deloitte UK

11.5.2015

Smigħ pubbliku dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u l-prattiki dwar it-taxxa dannużi

Stephanie Gibaud, informatriċi u ex impjegata ma' UBS

Lutz Otte, informatur u ex kuntrattatur għat-teknoloġija tal-informazzjoni ma' Julius Baer

Kristof Clerix, Konsorzju Internazzjoni ta' Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ)

Edouard Perrin, membru tal-ICIJ

Richard Brooks, membru tal-ICIJ

Lars Bové, membru tal-ICIJ

Xavier Counasse, ġurnalist ma' “Le Soir”

Dominique Berlin, Kulleġġ Ewropew ta' Pariġi, Università Panthéon-Assas (Paris 2)

Gabriel Zucman, Assistent Professur, London School of Economics and Political Sciences

Achim Doerfer, avukat fil-qasam tat-tassazzjoni, awtur u filosfu tad-dritt

12.5.2015

Delegazzjoni fil-Belġju

Jacques Malherbe, Università Kattolika ta' Louvain (UCL)

Axel Haelterman, Università ta' Leuven (KU Leuven)

Werner Heyvaert, espert fit-taxxa, Jones Day

Wim Wuyts, responsabbli mill-politika tat-tassazzjoni – President tal-kumitat għat-taxxi FEB-VBO u Hilde Wampers, Viċi President tat-politika tat-tassazzjoni – Grupp Finanzi FEB-VBO

Christophe Quintard, (espert tal-FGTB, ex awditur fil-qasam tat-taxxa)

Eric van Rompuy (President) u membri oħrajn tal-Kumitat għall-Finanzi u l-Baġit tal-Parlament Federali

Steven Van den Berghe, Kap tas-servizz dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa

Johan Van Overtveld – Ministru tal-Finanzi (il-laqgħa saret fis-17 ta' Ġunju)

18.5.2015

Delegazzjoni fil-Lussemburgu

Wim Piot, responsabbli mill-qasam tat-taxxa, PwC Luxembourg

Nicolas Mackel, Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Lussemburgu għall-Finanzi

Christine Dahm, Direttriċi, u Mike Mathias, membru tas-Cercle de Coopération des ONG du développement

Eugène Berger (President) u membri oħrajn tal-Kumitat għall-Finanzi tal-Parlament

Pierre Gramegna, Ministru tal-Finanzi

Pascale Toussing, Direttriċi tal-affarijiet tat-taxxa, Ministeru tal-Finanzi u membri tal-amministrazzjoni tat-taxxa

22.5.2015

Delegazzjoni f'Berna, Żvizzera

Markus R. Neuhaus, President tal-Bord ta' PwC Switzerland, membru tal-uffiċċju tal-President Globali ta' PwC

Frank Marty, membru tal-bord eżekuttiv, Kap tas-servizzi finanzjarji u taxxi, Economie Suisse

François Baur, Delegat Permanenti fi Brussell, Kap tal-Affarijiet Ewropej, Economie Suisse

Martin Zogg, membru tal-Kumitat Eżekuttiv, Kap tat-Tassazzjoni Nazzjonali u Internazzjonali, Swiss Holdings

Urs Kapalle, Direttur tal-Politika Finanzjarja u t-Taxxi, Assoċjazzjoni Żvizzera tal-Bankiera

Mark Herkenrath, Alliance Sud, membru ta' Global Alliance for Tax Justice

Olivier Longchamp, Dikjarazzjoni ta' Berna (DoB)

Jacques de Watteville, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Finanzjarji Internazzjonali (SIF)

Ambaxxatur Christoph Schelling, Kap tat-Taqsima tal-Politika tat-Tassazzjoni

Adrian Hug, Direttur tal-Amministrazzjoni Federali Żvizzera tat-Taxxa

Ruedi Noser, membru tal-Kunsill Nazzjonali, Kap tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u t-Tassazzjoni

Urs Schwaller, membru tal-Kunsill tal-Istati

Ulrich Trautmann, Kap tas-Settur għall-Kummerċ u l-Affarijiet Ekonomiċi, Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Iżvizzera u l-Liechtenstein

Marco Salvi, riċerkatur prinċipali, Avenir Suisse

27.5.2015

Laqgħa mal-Gvern tal-Maestà Tagħha ta' Ġibiltà (mal-koordinaturi TAXE)

Fabian Picardo, Ministru Kap

Joseph Garcia, Viċi Ministru Kap

28.5.2015

Delegazzjoni f'Dublin, Irlanda

Martin Lambe, Uffiċjal Kap Eżekuttiv, Istitut tat-Taxxa tal-Irlanda

Michael Noonan, Ministru tal-Finanzi

Niall Cody, President tal-Kummissjoni tad-Dħul

Liam Twomy (President) u membri oħra tal-Kumitat għall-Finanzi tal-Parlament (Oireachtas) u l-Kumitat Konġunt Kamra-Senat għall-Affarijiet Ewropej

Frank Barry, Trinity College Dublin (TCD)

Seamus Coffey, University College Cork (UCC)

Feargal O'Rourke, responsabbli mill-politika tat-tassazzjoni, PwC

Conor O'Brien, responsabbli mill-politika tat-tassazzjoni, KPMG

Jim Clarken, Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta' Oxfam Ireland

Micheál Collins, Nevin Economic Research Institute (NERI).

29.5.2015

Delegazzjoni f'The Hague, Netherlands

Sjoera Dikkers, MP u membri oħra tal-Kumitat għall-Finanzi tal-Parlament tan-Netherlands

Bartjan Zoetmulder, Assoċjazzjoni tal-Konsulenti tat-Taxxa tan-Netherlands

Hans Van den Hurk, Università ta' Maastricht

Indra Römgens, SOMO, organizzazzjoni indipendenti u mingħajr skop ta' lukru dwar ir-riċerka u n-netwerks

Francis Weyzig, Oxfam

Pieterbas Plasman, Kap tal-Uffiċċju għad-Deċiżjonijiet fil-qasam tat-Taxxa

Eric Wiebes, Segretarju tal-Istat tan-Netherlands għall-Affarijiet tat-Taxxa

1.6.2015

Smigħ Pubbliku dwar id-dimensjoni internazzjonali tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħrajn

Senatur Mario Monti, ex Kummissarju għall-Kompetizzjoni u għad-Dwana, it-Tassazzjoni u s-Suq Intern

Tove Maria Ryding, diriġent responsabbli mill-politika u mill-promozzjoni tal-European Network on Debt and Development (EURODAD)

Antoine Deltour, informatur, ex awditur, PwC Luxembourg

17.6.2015

Laqgħa interparlamentari bl-isem 'L-ippjanar aggressiv tat-taxxa u r-rwol tal-parlamenti fil-kontroll demokratiku'

Sebgħa u tletin Membru minn tmintax-il parlament nazzjonali:

AT, BE, CY, CZ, FR, DE, GR, HU, IE, IT, LT, LU, MT, PL, PT, RO, ES, SV

Heinz Zourek, Direttur Ġenerali tad-DĠ TAXUD

Pascal Saint-Amans, Direttur taċ-Ċentru għall-Politika u l-Amministrazzjoni fil-qasam tat-Taxxa tal-OECD

18.6.2015

Delegazzjoni f'Londra, Renju Unit

David Gauke, MP, Segretarju Finanzjarju tat-Teżor,

Jim Harra, Direttur Ġenerali, Taxxa tan-Negozju, Awtorità tal-Maestà Tagħha għad-Dħul u d-Dwana (HM Revenue & Customs, HMRC)

Fergus Harradence, Direttur Dipartimentali, Tim għat-Taxxa Korporattiva, Grupp għat-Taxxa tan-Negozju u Internazzjonali fit-Teżor tal-Maestà Tagħha (HM Treasury)

Andrew Dawson, Kap tat-Tim “trattati fiskali”, Kap negozjatur għat-trattati dwar it-taxxi għar-Renju Unit

Maura Parsons, Viċi Direttriċi, Kap tal-ipprezzar ta' trasferiment fi ħdan it-taqsima “Business International” tal-HMRC u President tal-Bord għall-ipprezzar ta' trasferiment tal-HMRC

Meg Hillier (President), Margaret Hodge (ex President) u Guto Bebb, membru tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-House of Commons

Prem Sikka, Professur tal-Kontabilità, Essex Business School, Università ta' Essex

Frank Haskew, Kap tal-ICAEW (Institute of Chartered Accountants in England and Wales) Fakultà tat-Taxxi; u Ian Young, diriġent fil-qasam tat-taxxi internazzjonali

Will Morris, President tal-Kumitat għat-Taxxi u tal-Kumitat għat-Taxxi tal-BIAC Konfederazzjoni tal-Industrija tar-Renju Unit (CBI)

Richard Collier, Assoċjat Prinċipali fil-qasam tat-taxxa ma' PwC

Joseph Stead, Christian Aid

Meesha Nehru, Direttriċi ta' Programmi, Fair Tax Mark

23.6.2015

Skambju ta' fehmiet ma' korporazzjonijiet multinazzjonali

Nathalie Mognetti, Uffiċjal Kap fil-qasam tat-taxxa, Total S.A.

Martin McEwen, responsabbli mill-politika tat-tassazzjoni, SSE plc

Christian Comolet-Tirman, Direttur, Affarijiet Fiskali, BNP Paribas Group

25.6.2015

Laqgħa mar-rappreżentant governattiv ta' Bermuda (mal-koordinaturi TAXE)

Everard Bob Richards, Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi

Alastair Sutton, konsulent għall-affarijiet ġuridiċi tal-UE tal-Gvern ta' Bermuda

2.7.2015

Richard Murphy, Tax Research LLP u membru fundatur ta' Tax Justice Network

Guillaume de La Villeguérin, Viċi President, Taxxa u Dwana, Airbus

17.9.2015

Jean-Claude Juncker, President tal-Kummissjoni Ewropea

Pierre Moscovici, Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana

Margrethe Vestager, Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni

22.9.2015

Pierre Gramegna, President tal-Kunsill ECOFIN, Ministru għall-Finanzi, il-Lussemburgu

Dott. Wolfgang Schäuble, Ministru Federali għall-Finanzi, il-Ġermanja

Luis de Guindos, Ministru għall-Ekonomija u l-Kompetittività, Spanja

Michel Sapin, Ministru għall-Finanzi u l-Kontijiet Pubbliċi, Franza

Pier Carlo Padoan, Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi, l-Italja

16.11.2015

Skambju ta' fehmiet mal-korporazzjonijiet multinazzjonali

Monique Meche, Viċi President, Politika Pubblika Globali, Amazon

Malte Lohan, Direttur tal-Affarijiet Korporattivi Globali, Anheuser-Busch InBev SA

Mark Hubbard, responsabbli globali mill-politika tat-tassazzjoni, Barclays Bank Group

Delphine Reyre, Direttriċi tal-Politika Pubblika għall-Ewropa tan-Nofsinhar, Facebook

Iain McKinnon, kap tal-grupp tat-tassazzjoni, HSBC

Krister Mattsson, responsabbli mill-finanza korporattiva, assigurazzjoni, taxxa u teżor, IKEA Group

Irene Yates, Viċi President, Taxxa Korporattiva, McDonald's Europe

Werner Schuster, Viċi President fil-qasam tat-taxxa, Philip Morris International

Nicklas Lundblad, Direttur Prinċipali, Politika Pubblika u Relazzjonijiet Governattivi, Google

John Stowell, Viċi President Prinċipali, Taxxi Korporattivi, The Walt Disney Company

Robert Jordan, Viċi President, Kunsill tat-Taxxa Ġenerali, Coca-Cola Company


ANNESS 2

LISTA TA' TWEĠIBIET SKONT IL-PAJJIŻ/ISTITUZZJONI

(sitwazzjoni fis-16 ta' Novembru 2015)

Pajjiż

Tweġiba

l-ewwel talba fit-23.4.2015 – Data ta' skadenza: 31.5.2015

Żvezja

29.5.2015

Jersey

29.5.2015

Guernsey

31.5.2015

Lussemburgu

1.6.2015

Finlandja

2.6.2015

Slovakkja

3.6.2015

Irlanda

5.6.2015

Netherlands

8.6.2015

Renju Unit

8.6.2015

Franza

10.6.2015

Repubblika Ċeka

11.6.2015

Latvja

16.6.2015

Belġju

16.6.2015

Malta

18.6.2015

l-ewwel tfakkira fid-29.6.2015 – Data ta' skadenza: 9.7.2015

Portugall

30.6.2015

Polonja

2.7.2015

Litwanja

3.7.2015

Ungerija

7.7.2015

Kroazja

8.7.2015

Estonja

10.7.2015

Greċja

10.7.2015

Spanja

10.7.2015

Ġibiltà

13.8.2015

Danimarka

26.8.2015

Ġermanja

2.9.2015

Rumanija

3.9.2015

Italja

17.9.2015

l-aħħar tfakkira fil-21.9.2015

Awstrija

21.9.2015

Ċipru

22.9.2015

Bulgarija

28.9.2015

Slovenja

28.9.2015


ISTITUZZJONIJIET

Tweġiba

Kummissjoni

29.4.2015

3.6.2015

31.8.2015

23.10.2015

9.11.2015

Kunsill

29.5.2015

15.6.2015

27.7.2015


ANNESS 3

KUMPANIJI MULTINAZZJONALI MISTIEDNA

JATTENDU FIL-LAQGĦAT TAL-KUMITAT

Isem

Mistednin/rappreżentanti

Sitwazzjoni fis-16 ta' Novembru 2015

Airbus

Guillaume de La Villeguérin,

Viċi President, Taxxa u Dwana

ipparteċipa – 2.7.2015

BNP Paribas

Christian Comolet-Tirman,

Direttur, Affarijiet Fiskali

ipparteċipa – 23.6.2015

SSE plc

Martin McEwen, responsabbli mill-politika tat-tassazzjoni

ipparteċipa – 23.6.2015

Total S.A.

Nathalie Mognetti,

uffiċjali kap tal-politika tat-tassazzjoni

ipparteċipat – 23.6.2015

Amazon

Monique Meche, Viċi President, Politika Pubblika Globali

ipparteċipat – 16.11.2015

Anheuser-Busch InBev

Malte Lohan, Direttur tal-Affarijiet Korporattivi Globali

ipparteċipa – 16.11.2015

Barclays Bank Group

Mark Hubbard, responsabbli globali mill-politika tat-tassazzjoni

ipparteċipa – 16.11.2015

Coca-Cola Company

Robert Jordan, Viċi President, Kunsill tat-Taxxa Ġenerali

ipparteċipa – 16.11.2015

Facebook

Delphine Reyre, Direttriċi tal-Politika Pubblika għall-Ewropa tan-Nofsinhar

ipparteċipat – 16.11.2015

Google

Nicklas Lundblad, Direttur Prinċipali, Politika Pubblika u Relazzjonijiet Governattivi

ipparteċipa – 16.11.2015

HSBC Bank plc

Iain McKinnon, kap tal-grupp tat-tassazzjoni

ipparteċipa – 16.11.2015

IKEA Group

Krister Mattsson, responsabbli mill-finanza korporattiva, assigurazzjoni, taxxa u teżor

ipparteċipa – 16.11.2015

McDonald’s Europe

Irene Yates, Viċi President, Taxxa Korporattiva

ipparteċipat – 16.11.2015

Philip Morris

International

Werner Schuster, Viċi President fil-qasam tat-taxxa

ipparteċipa – 16.11.2015

The Walt Disney Company

John Stowell, Viċi President Prinċipali, Taxxi Korporattivi

ipparteċipa – 16.11.2015

Fiat Chrysler Automobiles

Sergio Marchionne,

Uffiċjal Kap Eżekuttiv

irrifjuta minħabba li għaddejjin l-investigazzjonijiet

Walmart

Shelley Broader,

President u Uffiċjal Kap Eżekuttiv għar-reġjun Ewropa, Lvant Nofsani u Afrika

irrifjutat


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/96


P8_TA(2015)0409

Awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni ta' XXX tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D041427 – 2015/2962(RSP))

(2017/C 366/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D041427),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), b'mod partikolari l-Artikolu 64(8) tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji (RAC) u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC) (2), skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 64(5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE (4), b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, b'mod partikolari l-paragrafu 43(viii) tal-Anness tagħha,

wara li kkunsidra d-Direttiva ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/863 (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari (7),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi d-DEHP huwa inkluż fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ir-Regolament REACH) minħabba l-klassifikazzjoni tiegħu bħala sustanza tal-kategorija 1B li hija tossika għar-riproduzzjoni; billi d-DEHP qiegħed fil-lista ta' kandidati tar-REACH minħabba l-proprjetajiet reprotossiċi tiegħu;

B.

billi l-Kummissjoni, permezz ta' abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP), tad-dibutilftalat (DBP), tal-benżilbutilftalat (BBP) u tad-diisobutilftalat (DIBP) bħala sustanzi ta' tħassib kbir ħafna skont l-Artikolu 57(f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandha l-għan li tidentifika d-DEHP bħala sustanza ta' tħassib kbir ħafna;

C.

billi fl-2000, abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar Strateġija Komunitarja għall-Interferenti Endokrinali (COM(1999)0706), id-DEHP diġà kien inkluż fl-Anness 1 li jistabbilixxi l-lista ta' kandidati ta' 553 sustanza fil-kategorija 1 ta' sustanzi kimiċi li wrew evidenza ta' attività ta' interferenza endokrinali f'tal-anqas speċi waħda bl-użu ta' annimali intatti (8);

D.

billi d-DEHP kien fost l-ewwel sitt komposti li kellhom jiġu eliminati gradwalment skont ir-Regolament REACH, kif imħabbar mill-Kummissjoni fis-17 ta' Frar 2011 (9);

E.

billi, fit-12 ta' Diċembru 2014, il-Kumitat tal-Istati Membri (MSC) qabel unanimament dwar l-identifikazzjoni tad-DEHP bħala sustanza li twassal għal livell ekwivalenti ta' tħassib minħabba l-proprjetajiet ta' interferenza endokrinali tiegħu fl-ambjent (10); billi l-MSC rrikonoxxa unanimament li, fil-każ tad-DEHP, teżisti evidenza xjentifika dwar attività ta' interferenza endokrinali u dwar ir-rabta każwali bejn din l-attività u effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem;

F.

billi l-Kummissjoni tinnota l-qbil unanimu fl-MSC li jiddikjara li erba' ftalati, inkluż id-DEHP, għandhom proprjetajiet ta' interferenza endokrinali u li l-effetti avversi ta' dan il-mod ta' azzjoni huma l-istess bħal dawk li wasslu għall-klassifikazzjoni tagħhom bħala tossiċi għar-riproduzzjoni u għall-identifikazzjoni tagħhom bħala sustanzi ta' tħassib kbir ħafna skont l-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament REACH; billi l-Kummissjoni tinnota wkoll li l-biċċa l-kbira tal-membri tal-MSC kkunsidraw li l-livell ta' tħassib li dawk l-effetti jwasslu għalih huwa ekwivalenti;

G.

billi, fil-21 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni sssottomettiet abbozz ta' att ta' implimentazzjoni biex tidentifika d-DEHP bħala sustanza li għandha proprjetajiet ta' interferenza endokrinali li l-effetti tagħha fuq is-saħħa tal-bniedem iwasslu għal livelll ekwivalenti ta' tħassib skont l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH;

H.

billi l-opinjoni tar-RAC fil-fatt tirrikonoxxi l-mod ta' azzjoni endokrinali tad-DEHP iżda tirrikonoxxi wkoll li ġie inkluż fl-Anness XIV minħabba l-klassifikazzjoni tiegħu ta' tossiċita għar-riproduzzjoni (Artikolu 57(ċ)) u mhux abbażi tal-proprjetajiet ta' interferenza endokrinali (Artikolu 57(f)); billi, b'konsegwenza, il-valutazzjoni attwali tad-DEHP hija limitata għat-tossiċità tiegħu għar-riproduzzjoni;

I.

billi d-DEHP għandu jiġi identifikat bħala sustanza ta' tħassib kbir ħafna għaliex jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH billi huwa sustanza bi proprjetajiet ta' interferenza endokrinali li għaliha teżisti evidenza xjentifika tal-probabbiltà ta' effetti serji fuq is-saħħa tal-bniedem, li jwasslu għal livell ta' tħassib ekwivalenti għal dak għal sustanzi oħra elenkati fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 57 tar-Regolament REACH;

J.

billi l-applikant applika għal awtorizzazzjoni permezz tal-proċedura ta' kontroll adegwat prevista fl-Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH; billi, madankollu, skont l-Artikolu 60(3)(a) tar-Regolament REACH, il-proċedura ta' kontroll adegwat ma tapplikax għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji fil-klassifikazzjoni CMR jew fl-Artikolu 57(f) ta' dak ir-Regolament li għalihom mhuwiex possibbli li jiġi determinat limitu minimu b'konformità mat-Taqsima 6.4 tal-Anness I ta' dak ir-Regolament;

K.

billi ntwera li d-DEHP jaffettwa b'mod avvers is-sistema endokrinali tal-mammiferi primarjament permezz ta' sejbiet in vivo dwar tnaqqis fit-testosteron fil-fetu; billi dawn is-sejbiet huma ssostanzjati aktar b'sejbiet mekkanistiċi, anke in vivo, ta' down-regulation ta' ġeni fil-perkors ta' bijosinteżi sterojdoġenika; billi l-ispettru ta' effetti avversi osservati fil-firien jinkludi żieda fiż-żamma tan-nipples, tnaqqis fid-distanza anoġenitali, malformazzjonijiet ġenitali, tnaqqis fin-numru ta' spermatoċiti u bidliet fit-testikoli inklużi gonoċiti multinukleati, atrofija tubulari u iperplasija taċ-ċelloli ta' Leydig;

L.

billi l-evidenza xjentifika dwar id-DEHP turi li l-esponiment matul perjodi ta' żmien sensittivi tal-iżvilupp jista' jikkaġuna effetti irreversibbli ta' programmazzjoni tal-iżvilupp li jwasslu għal effetti gravi fuq l-iżvilupp u r-riproduzzjoni, meqjusa partikolarment serji b'rabta mas-saħħa tal-bniedem u l-ispeċijiet ta' organiżmi selvaġġi, anke għaliex dawn l-effetti avversi jistgħu jidhru għall-ewwel darba fi stadji suċċessivi fil-ħajja b'konsegwenza ta' esponiment matul l-istadji bikrin tal-ħajja;

M.

billi, skont l-opinjoni tar-RAC, abbażi tal-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjonijiet, l-applikanti ma pprovdewx evidenza li r-riskji għas-saħħa tal-ħaddiema mill-użi li saret applikazzjoni għalihom kienu kkontrollati b'mod adegwat b'konformità mal-Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH; billi, skont ir-RAC, għaldaqstant mhuwiex xieraq li tingħata l-awtorizzazzjoni abbażi ta' dik id-dispożizzjoni;

N.

billi, minkejja l-opinjoni tar-RAC, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC) ikkonkluda li awtorizzazzjoni tal-użi tkun proporzjonata u li għalhekk il-benefiċċji soċjoekonomiċi li joriġinaw mill-użi koperti bl-applikazzjoni kienu akbar mir-riskji għas-saħħa tal-bniedem li joriġinaw minn dawk l-użi; billi l-opinjoni tas-SEAC ikkonfermat li kien hemm nuqqasijiet sinifikanti fl-analiżi soċjoekonomika ppreżentata mill-applikant, inkluż in-nuqqas ta' kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt fuq is-saħħa li tidentifika r-riskju residwu għas-saħħa tal-ħaddiema;

O.

billi s-SEAC huwa kumitat xjentifiku li l-kompitu tiegħu, skont l-Artikolu 64(4)(b) tar-Regolament REACH, huwa li jivvaluta l-fatturi soċjoekonomiċi u d-disponibbiltà u l-fattibbiltà teknika ta' alternattivi assoċjati mal-użu jew l-użi tas-sustanza kif deskritt fl-applikazzjoni, u billi r-rwol tiegħu mhuwiex li jipprovdi konklużjonijet dwar il-proporzjonalità ta' awtorizzazzjoni meta r-riskju għas-soċjetà ma jkunx ikkontrollat adegwatament;

P.

billi l-applikant huwa responsabbli għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji mis-sustanzi kimiċi u li jipprovdi informazzjoni xierqa dwar is-sikurezza lill-utenti tagħhom; billi s-SEAC ma setax jasal għal konklużjonijiet kwantitattivi dwar il-proporzjonalità tal-użu kontinwat peress li l-informazzjoni dwar ir-riskji residwi għas-saħħa tal-ħaddiema ma setgħetx tiġi kwantifikata;

Q.

billi l-iskop tar-Regolament REACH huwa li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta' metodi alternattivi għall-valutazzjoni tal-perikli mis-sustanzi, kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni libera ta' sustanzi fis-suq intern, filwaqt li jtejjeb l-kompetittività u l-innovazzjoni;

R.

billi l-applikazzjonijiet jikkonċernaw firxa wiesgħa ta' użi, li jinkludu l-użu fil-formulazzjoni ta' PVC artab riċiklat li fih id-DEHP f'komposti u taħlitiet niexfa u l-użu industrijali ta' PVC artab riċiklat li fih id-DEHP fl-ipproċessar tal-polimeri biex jiġu prodotti oġġetti tal-PVC; billi kamp ta' applikazzjoni daqshekk wiesa' għall-awtorizzazzjoni fil-biċċa l-kbira jreġġa' lura s-sostituzzjoni tad-DEHP prevista bl-inklużjoni tiegħu fl-Anness XIV tar-Regolament REACH;

S.

billi d-DEHP fil-PVC huwa użat ħafna fi prodotti tal-konsumatur ta' kuljum bħat-tessuti, l-għamara u l-materjal tal-bini; billi mhuwiex marbut kimikament mal-plastik u għalhekk inixxi faċilment fl-ambjent;

T.

billi applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tiffoka fuq l-użu tas-sustanza, u billi l-fatt li s-sustanza tinsab f'materjali riċiklati mhuwiex kunsiderazzjoni rilevanti għall-għoti ta' awtorizzazzjoni;

U.

billi s-SEAC innota li kien possibbli li l-iskart postindustrijali b'kontenut baxx ta' DEHP jintuża bħala materja prima alternattiva, li jżid ukoll il-kwalità tar-riċiklati prodotti, iżda li jkun improbabbli li r-riċiklatur ikun jista' jgħaddi żieda fil-prezz għal riċiklati ta' kwalità aħjar lill-utent downstream, peress li normalment jipproduċu oġġetti li jinsabu fil-parti l-baxxa tal-ispettru tal-valur; billi s-SEAC iddikjara li l-alternattiva għall-konvertituri tal-plastik li jużaw PVC verġni ma' plastiċizzanti mhux SVHC oħra bħala materja prima pjuttost milli materjal riċiklat ma ġietx ikkunsidrata, peress li l-applikanti indikaw li l-konvertituri tal-plastik jistgħu ma jibqgħux kompetittivi wara li jiġġarrab il-kost addizzjonali tal-użu ta' PVC verġni;

V.

billi mhuwiex aċċettabbli li jiġu ttollerati każijiet potenzjalment numerużi ta' infertilità maskili sempliċement biex riċiklaturi tal-PC artab u utenti downstream ikunu jistgħu jiffrankaw l-ispejjeż fil-produzzjoni ta' oġġetti ta' valur baxx sabiex jikkompetu ma' importazzjonijiet ta' kwalità baxxa;

W.

billi, għalkemm id-DEHP għandu firxa wiesgħa ta' sostituti, l-applikanti ma pprovdewx analiżi komprensiva ta' alternattivi disponibbli fis-suq biex jissostitwixxu l-użu tad-DEHP għall-użi li saret applikazzjoni għalihom;

X.

billi wieħed mill-argumenti mogħtija mis-SEAC favur l-għoti ta' awtorizzazzjoni huwa li “hemm inċentiv politiku u soċjetali biex ir-riċiklaġġ jiġi promoss bħala mod sostenibbli biex jiġu ġestiti r-riżorsi naturali”; billi dan l-argument sempliċistiku jinjora l-ġerarkija tal-ġestjoni tal-iskart stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE, skont liema l-prevenzjoni tieħu prijorità fuq ir-riċiklaġġ; billi dan l-argument sempliċistiku jonqos ukoll milli jirrikonoxxi dispożizzjonijiet espliċiti fis-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali li jitolbu l-iżvilupp ta' ċikli ta' materjal mhux tossiku sabiex l-iskart riċiklat jista' jintuża bħala sors ewlieni u affidabbli ta' materja prima għall-Unjoni;

Y.

billi, barra minn hekk, il-Parlament enfasizza fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar “l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari” li r-riċiklaġġ m'għandux jiġġustifika l-issoktar tal-użu ta' sustanzi perikolużi użati fil-passat; billi d-DEHP huwa sustanza użata fil-passat, u ġie rikonoxxut ukoll bħala tali mill-industrija kkonċernata (11);

Z.

billi l-użu tad-DEHP ġie ristrett fit-tagħmir elettriku u elettroniku skont id-Direttiva ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/863; billi dan kien appoġġat, inter alia, b'valutazzjoni tad-disponibbiltà ta' alternattivi aktar sikuri għad-DEHP, kif ukoll b'valutazzjoni soċjoekonomika pożittiva (12);

AA.

billi l-SEAC jgħid li ma jistax jikkonkludi li jkun hemm kostijiet soċjetali netti, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant, jekk l-awtorizzazzjoni ma tingħatax; billi, għalhekk, l-applikanti ma wrewx il-benefiċċji soċjoekonomiċi mill-użu tas-sustanza u l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi ta' rifjut ta' awtorizzazzjoni kif previst fl-Artikolu 60(4)(ċ) tar-Regolament REACH;

AB.

billi l-għoti ta' awtorizzazzjoni għal applikazzjoni li tkun miżgħuda b'tant nuqqasijiet jistabbilixxi preċedent ħażin ħafna għal deċiżjonijiet futuri ta' awtorizzazzjoni skont ir-REACH;

AC.

billi l-Artikolu 1(3) tar-Regolament REACH jiddikjara li huwa msejjes mill-prinċipju ta' prekawzjoni, u billi, f'każ ta' inċertezza, kunsiderazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent għandhom jieħdu preċedenza fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi ġenerali;

AD.

billi l-Kummissjoni hija responsabbli fil-konfront tal-pubbliku Ewropew għall-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-ambjent minn sustanzi kimiċi perikolużi, filwaqt li tippromwovi l-innovazzjoni, fosthom fil-qasam ta' sustanzi kimiċi u prodotti aktar sikuri biex titrawwem ekonomija reżiljenti;

1.

Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha u tippreżenta abbozz ġdid li jirrifjuta l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għal-formulazzjoni ta' PVC artab riċiklat li fih id-DEHP;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni ttemm malajr l-użu tad-DEHP fl-applikazzjonijiet li fadal kollha, aktar u aktar għaliex alternattivi aktar sikuri għall-PVC artab u għad-DEHP huma disponibbli b'mod wiesa';

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(2)  http://echa.europa.eu/documents/10162/b50d9fc3-f6db-4e91-8a95-c8397bb424d2

http://echa.europa.eu/documents/10162/8d9ee7ac-19cf-4b1a-ab1c-d8026b614d7a

(3)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(5)  Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).

(6)  Direttiva ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/863 tal-31 ta' Marzu 2015 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista ta' sustanzi restritti (ĠU L 137, 4.6.2015, p. 10).

(7)  Testi adottati, P8_TA(2015)0266.

(8)  http://ec.europa.eu/environment/archives/docum/pdf/bkh_annex_01.pdf

(9)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-11-196_en.htm?locale=en

(10)  http://echa.europa.eu/view-article/-/journal_content/title/the-member-state-committee-unanimously-agreed-to-identify-the-phthalate-dehp-as-an-svhc-because-of-its-endocrine-disrupting-properties-in-the-environm

(11)  http://www.vinylplus.eu/uploads/docs/VinylPlus_Progress_Report_2015_English.pdf

(12)  http://www.umweltbundesamt.at/fileadmin/site/umweltthemen/abfall/ROHS/finalresults/Annex6_RoHS_AnnexII_Dossier_DEHP.pdf


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/101


P8_TA(2015)0410

Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi (2015/2063(INI))

(2017/C 366/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 5, 6, 7, 8, 10 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 4, 8, 10, 16, 67, 68, 70, 71, 72, 75, 82, 83, 84, 85, 86, 87 u 88 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-pubblikazzjonijiet “Data dwar l-Istħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni – Rapport li jiffoka 2: Musulmani” u “stħarriġ FRA dwar l-esperjenzi u l-perċezzjonijiet tal-Lhud ta' reati ta' mibegħda u ta' diskriminazzjoni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea”, li t-tnejn ġew ippubblikati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit-8 ta' Ottubru 2004 dwar “Theddid għall-Paċi u s-Sigurtà Internazzjonali kkawżat mit-Terroriżmu”,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 6, 7 u 8, l-Artikolu 10(1), u l-Artikoli 11, 12, 21, 48, 49, 50 u 52 tagħha,

wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE, kif adottata mill-Kunsill fil-25 ta' Frar 2010,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2010 bl-isem “L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura” (COM(2010)0673) u l-ħolqien tan-Netwerk Ewropew dwar Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar it-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Jannar 2014 bit-titolu “Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: It-tisħiħ tar-reazzjoni tal-UE” (COM(2013)0941),

wara li kkunsidra l-verżjoni riveduta tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ tat-Terroristi, adottata mill-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fil-laqgħa tiegħu tad-19 ta' Mejju 2014 u approvata mill-Kunsill fil-laqgħa tiegħu tal-5 u tas-6 ta' Ġunju 2014 (9956/14),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ġunju 2014 dwar ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE (2010-2014) (COM(2014)0365),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-Unjoni Ewropea (TE-SAT) għall-2014,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-24 ta' Settembru 2014 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkaważat minn atti terroristiċi (Riżoluzzjoni 2178 (2014)),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu lill-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Novembru 2014 (15799/14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar it-tiġdid tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-UE (2),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI) tad-9 ta' Ottubru u tal-5 ta' Diċembru 2014,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill ĠAI informali tal-11 ta' Jannar 2015,

wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tiegħu tat-28 ta' Jannar 2015 dwar miżuri kontra t-terroriżmu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2015 dwar miżuri kontra t-terroriżmu (3),

wara li kkunsidra l-Kunsill ĠAI informali li sar f'Riga fid-29 u t-30 ta' Jannar 2015,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tat-12 u t-13 ta' Marzu 2015,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tat-28 ta' April 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (COM(2015)0185),

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data,

wara li kkunsidra l-protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-pjan ta' azzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni li jwasslu għat-terroriżmu adottat fid-19 ta' Mejju 2015,

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu “Tisħiħ tal-fiduċja reċiproka fiż-żona ġudizzjarja Ewropea – Green Paper dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġustizzja kriminali fil-qasam tad-detenzjoni” (COM(2011)0327),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0316/2015),

A.

billi aktar minn 5 000 ċittadin Ewropew ingħaqdu ma' organizzazzjonijiet terroristiċi u ma' formazzjonijiet militari oħra, b'mod partikolari mal-ISIS (Da'esh), Jahbat al-Nusra u oħrajn barra mill-Unjoni Ewropea, speċjalment fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (MENA); billi dan il-fenomenu ma jiqafx milli jkompli jaċċelera biex isir ta' daqs konsiderevoli;

B.

billi r-radikalizzazzjoni saret terminu li jintuża biex jiddeskrivi l-fenomenu tan-nies li jħaddnu opinjonijiet, fehmiet u ideat intolleranti li jistgħu jwasslu għal estremiżmu vjolenti;

C.

billi l-attakki terroristiċi li seħħew dan l-aħħar fi Franza, fil-Belġju, fit-Tuneżija u f'Copenhagen jenfasizzaw it-theddida għas-sigurtà li qiegħda tinġieb bil-preżenza u l-moviment ta' dawn il-“ġellieda barranin” li spiss huma ċittadini tal-UE, fl-Ewropa u fil-viċinat tagħha; billi l-UE kkundannat bl-aktar mod aħrax dawn l-attakki u ħadet l-impenn li tiġġieled it-terroriżmu flimkien mal-Istati Membri, ġewwa u barra mit-territorju tal-UE;

D.

billi l-attakki terroristiċi terribbli li qatlu u darbu mijiet ta' persuni f'Pariġi fit-13 ta' Novembru 2015 enfasizzaw għal darb' oħra l-ħtieġa urġenti ta' azzjoni koordinata mill-Istati Membri u mill-Unjoni Ewropea għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu;

E.

billi t-theddida terroristika hija sinifikanti fl-UE, partikolarment f'dawk l-Istati Membri li kienu involuti jew għadhom involuti militarment f'operazzjonijiet esterni fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika;

F.

billi r-radikalizzazzjoni ta' dawn il-“ġellieda Ewropej” hija fenomenu kumpless u dinamiku, ibbażat fuq serje ta' fatturi globali, soċjoloġiċi u politiċi; billi din ma tikkorrispondix għal profil wieħed, u tolqot irġiel, nisa u fuq kollox ċittadini żgħażagħ Ewropej minn kull oriġini soċjali, li għandhom bħala punt komuni s-sentiment ta' firda minn mas-soċjetà; billi l-kawżi tar-radikalizzazzjoni jistgħu jkunu kemm soċjoekonomiċi, ideoloġiċi, personali jew psikoloġiċi, u għal din ir-raġuni għandna nifhmuha fir-rigward tal-perkors ta' kull individwu kkonċernat;

G.

billi, minħabba t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, jeżisti sterjotipar qawwi tar-reliġjonijiet, li mbagħad jikkawża żieda fil-kriminalità u d-diskors ta' mibegħda motivati mir-razziżmu, il-ksenofobija, jew l-intolleranza għal opinjoni, twemmin jew reliġjon; billi huwa essenzjali li jitfakkar li huwa l-użu ħażin u korrott tar-reliġjon, u mhux ir-reliġjon fiha nnifisha, li huwa wieħed mill-kawżi tar-radikalizzazzjoni;

H.

billi r-radikalizzazzjoni m'għandhiex tiġi assoċjata ma' ebda ideoloġija jew fidi partikolari iżda tista' tokkorri fi kwalunkwe waħda minnhom;

I.

billi wieħed mill-argumenti użati minn estremisti vjolenti fir-reklutaġġ taż-żgħażagħ huwa li l-Iżlamofobija qed jiżdied, wara snin ta' gwerra kontra t-terroriżmu, u li l-Ewropa m'għadhiex post fejn il-Musulmani huma milqugħa jew jistgħu jgħixu fl-ugwaljanza u jipprattikaw il-fidi tagħhom mingħajr diskriminazzjoni u stigmatizzazzjoni; billi dan jista' jwassal għal sens ta' vulnerabbiltà, rabja aggressiva, frustrazzjoni, solitudni u iżolament mis-soċjetà;

J.

billi l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni ma tistax tiġi limitata biss għar-radikalizzazzjoni Iżlamika; billi r-radikalizzazzjoni reliġjuża u l-estremiżmu vjolenti jolqtu wkoll il-kontinent Afrikan kollu; billi r-radikalizzazzjoni politika laqtet ukoll l-Ewropa fl-2011, fin-Norveġja, bl-attakki mwettqa minn Anders Behring Breivik;

K.

billi l-parti l-kbira tal-attakki terroristiċi f'pajjiżi tal-UE għal ħafna snin twettqu minn organizzazzjonijiet separatisti;

L.

billi, skont l-Europol fl-2013 kien hemm 152 attakk terroristiku fl-UE, li minnhom tnejn kienu “mmotivati mir-reliġjon” u 84 kienu mmotivati minn twemmin etno-nazzjonalist jew separatist, filwaqt li fl-2012, kien hemm 219-il attakk terroristiku fl-UE, li minnhom sitta kienu “mmotivati mir-reliġjon”;

M.

billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi tibqa' essenzjalment il-kompetenza tal-Istati Membri, iżda hija essenzjali kooperazzjoni Ewropea għall-iskambju effiċjenti u effettiv ta' informazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi sabiex tiġi miġġielda n-natura transfruntiera tat-theddida mit-terroristi; billi approċċ Ewropew miftiehem huwa għalhekk neċessarju u jipprovdi valur miżjud f'termini ta' koordinazzjoni jew ta' armonizzazzjoni fejn xieraq tal-leġiżlazzjoni li tapplika f'qasam li fih iċ-ċittadini Ewropej huma liberi li jiċċaqilqu, u li jagħmel effettivi l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; billi l-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar għandha tkun prijorità tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali serja u organizzata;

N.

billi d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu fil-qalba tal-politiki tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, filwaqt li għandu jiġi żgurat li jinstab bilanċ tajjeb bejn is-sigurtà pubblika u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet għal sigurtà, privatezza, u l-libertà ta' espressjoni, ta' reliġjon u ta' assoċjazzjoni;

O.

billi l-komunitajiet Lhud huma l-miri ta' attakki terroristiċi u anti-Semitiċi, li jwassal għal perċezzjoni dejjem tiżdied ta' nuqqas ta' sigurtà u biża' fi ħdan dawk il-komunitajiet fl-Ewropa;

P.

billi ż-żieda fit-terroriżmu u tal-ġellieda barranin żiedet l-intolleranza lejn komunitajiet etniċi u reliġjużi f'diversi pajjiżi fl-Ewropa; meta wieħed iqis li approċċ olistiku fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, b'mod ġenerali, u l-Iżlamofobija u l-anti-Semitiżmu, b'mod partikolari, huwa komplimentari fir-rigward tal-ħidma għal prevenzjoni speċifika tal-estremiżmu terroristiku;

Q.

billi hemm ċertu numru ta' strumenti li diġà jeżistu fl-Ewropa biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej u billi hija r-responsabilità tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jagħmlu użu sħiħ ta' dawn l-għodod u jippruvaw isaħħuhom sabiex jirriflettu l-isfidi attwali li l-UE u l-Istati Membri jridu jħabbtu wiċċhom magħhom; billi għad fadal riluttanza min-naħa tal-Istati Membri biex jikkooperaw f'oqsma sensittivi, bħall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-intelligence; billi minħabba ż-żieda sinjifikanti tar-radikalizzazzjoni terroristika, f'kuntradizzjoni totali mal-valuri Ewropej, għandhom jitniedu mezzi ġodda, u dan għandu jsir fir-rispett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

R.

billi huwa essenzjali li fil-miżuri kollha meħuda mill-Istati Membri u mill-UE, id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ċivili huma rispettati, jiġifieri d-dritt għall-ħajja privata, id-dritt għas-sigurtà, id-dritt għall-protezzjoni tad-data, il-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt għal proċess ġust u għal proċess xieraq, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' reliġjon; billi s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej għandha tħares id-drittijiet u l-libertajiet tagħhom; billi dawn iż-żewġ prinċipji huma verament iż-żewġ naħat tal-istess munita;

S.

billi l-portata tar-responsabbiltà li jassumu l-Istati Membri biex jilqgħu għar-riskju ta' radikalizzazzjoni u l-prevenzjoni tar-reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi tista' tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor; billi anke jekk ċerti Stati Membri diġà ħadu miżuri effettivi, oħrajn għadhom lura fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu;

T.

billi hija meħtieġa urġentement azzjoni Ewropea miftehma mil-lat ta' prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi bil-għan li dan il-fenomenu li qed jikber jiġi mrażżan, u b'hekk jitwaqqaf il-fluss ta' tluq taċ-ċittadini Ewropej lejn żoni ta' kunflitt, jiġu deradikalizzati dawk li jibqgħu fil-pajjiż, u jiġi pprevenut it-twettiq ta' atti terroristiċi oħra;

U.

billi dan huwa fenomenu internazzjonali u nistgħu nitgħallmu dwaru minn ħafna partijiet tad-dinja;

V.

billi issa l-importanti huwa li ssir aktar enfażi fuq, u jsir investiment f'miżuri preventivi milli f'miżuri reattivi, biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej u r-reklutaġġ tagħhom mill-organizzazzjonijiet terroristiċi; billi strateġija kontra l-estremiżmu, ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ tat-terroristi fi ħdan l-UE tista' taħdem biss jekk tiġi żviluppata b'mod parallel ma' strateġija ta' integrazzjoni u ta' inklużjoni soċjali u ta' integrazzjoni mill-ġdid u deradikalizzazzjoni tal-hekk imsejħa “ġellieda barranin”, li huma persuni li qed jirritornaw f'pajjiżhom;

W.

billi ċerti forom ta' użu tal-Internet jippromwovu r-radikalizzazzjoni, filwaqt li jippermettu lill-fanatiċi fid-dinja kollha li jikkuntattjaw lil xulxin u jirreklutaw, mingħajr kuntatt fiżiku u b'mod diffiċli li jiġi traċċat, lil individwi vulnerabbli;

X.

billi huwa essenzjali li ssir distinzjoni ċara bejn l-imġiba mmirata lejn il-preparazzjoni u/jew l-appoġġ għal attakki terroristiċi jew atti minn jew opinjonijiet ta' estremisti li ma għandhomx il-mens rea u l-actus reus;

Y.

billi jidher li r-radikalizzazzjoni terroristika hija kkawżata minn fatturi kemm interni kif ukoll barra mill-Unjoni;

Z.

billi l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni terroristika għandha ssir fi ħdan approċċ globali bil-għan li tiggarantixxi Ewropa miftuħa u bbażata fuq qafas ta' valuri komuni;

AA.

billi r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ ma għandhiex tkun maqtugħa mill-kuntest soċjali u politiku tagħha u trid tiġi investigata f'ambitu usa' tas-soċjoloġija tal-konflitt u l-istudji dwar il-vjolenza;

AB.

billi l-kawżi tar-radikalizzazzjoni terroristika mhumiex studjati biżżejjed; billi n-nuqqas ta' integrazzjoni ma jistax jitqies bħala l-kawża prinċipali tar-radikalizzazzjoni terroristika;

AC.

billi, skont il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-fatt li persuna kienet membru ta' organizzazzjoni li, minħabba l-involviment tagħha f'atti terroristiċi, qiegħda fil-lista li tifforma l-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK u li l-persuna appoġġjat b'mod attiv il-ġlieda bl-armi li wettqet dik l-organizzazzjonima jikkostitwixxix b'mod awtomatiku raġuni serja biex jitqies li l-persuna wettqet “reat mhux politiku serju” jew “atti li jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”; min-naħa l-oħra, fejn ikun hemm raġunijiet serji biex jitqies li persuna wettqet tali reat jew hija ħatja ta' tali atti, dan jiddependi fuq valutazzjoni każ b'każ tal-fatti speċifiċi u fuq jekk ir-responsabilità individwali għat-twettiq ta' dawk l-atti tistax tiġi attribwita lill-persuna kkonċernata;

AD.

billi sabiex ikunu jistgħu jirrevokaw permess ta' residenza mogħti lil refuġjat fuq il-bażi li r-refuġjat jappoġġja tali organizzazzjoni terroristika, l-awtoritajiet kompetenti huma madankollu obbligati jwettqu, taħt is-superviżjoni tal-qrati nazzjonali, valutazzjoni individwali tal-fatti speċifiċi rigward l-azzjonijiet kemm tal-organizzazzjoni kif ukoll tar-refuġjat inkwistjoni;

I.    Il-valur miżjud Ewropew fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni

1.

Fid-dawl tal-avvenimenti drammatiċi f'Pariġi, jikkundanna l-attakki qattiela, u jesprimi l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi u l-familji tagħhom, filwaqt li jafferma mill-ġdid il-ħtieġa biex jieħu pożizzjoni kontra l-vjolenza; jikkundanna wkoll l-użu ta' sterjotipi u tad-diskors razzist u ksenofobiku u prattiki minn individwi u awtoritajiet kollettivi li, direttament jew indirettament, jassoċjaw l-attakki terroristiċi mar-refuġjati li fil-preżent qed jaħarbu minn pajjiżhom biex ifittxu post aktar sikur, li qed jaħarbu mill-gwerra u minn atti ta' vjolenza li jsiru ta' kuljum fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom;

2.

Jenfasizza li t-terroriżmu ma jista' u ma għandu jkun assoċjat ma' ebda reliġjon, nazzjonalità jew ċiviltà speċifika;

3.

Jesprimi t-tħassib tiegħu minħabba l-fatt li, jekk ma jiġux affrontati l-kundizzjonijiet li jiffavorixxu t-tixrid tat-terroriżmu, il-fenomenu taċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħrajn biex jissieħbu mal-gruppi ġiħadisti jew ma' gruppi estremisti oħrajn, kif ukoll ir-riskju speċifiku għas-sigurtà li huma jirrappreżentaw meta jerġgħu lura fl-UE u fil-pajjiżi ġirien, x'aktarx se jaggrava fis-snin li ġejjin, speċjalment fid-dawl tal-eskalazzjoni militari attwali fir-reġjun tal-MENA; jitlob li jsir studju komprensiv fuq l-effikaċja tal-miżuri nazzjonali u tal-Unjoni għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni biex bħala prijorità tistabbilixxi pjan ta' azzjoni li jimplimenta u jevalwa l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ għat-terroriżmu, abbażi tal-iskambju tal-aħjar prattika u l-kondiviżjoni ta' kompetenzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, l-evalwazzjoni ta' miżuri meħuda fl-Istati Membri u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, b'rispett sħiħ għal konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u permezz ta' approċċ ma' bosta partijiet interessati u multisettorjali, parteċipattiv u konsultattiv; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi għal u tappoġġa l-iżvilupp mill-Istati Membri ta' strateġija ta' komunikazzjoni intensiva u effettiva dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi ta' ċittadini Ewropej u ta' ċittadini li mhumiex mill-UE li jirrisjedu fl-UE;

5.

Jistieden lill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-istrateġiji tagħhom u jaqsmu l-informazzjoni u l-esperjenza għad-dispożizzjoni tagħhom, sabiex jimplimentaw prattiki tajbin kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, biex jikkooperaw bil-għan li jittieħdu passi ġodda fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ għat-terroriżmu billi jaġġornaw il-politiki nazzjonali ta' prevenzjoni u netwerks ta' prattikanti fis-seħħ abbażi tal-għaxar oqsma ta' prijorità għal azzjoni kif identifikati fl-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu; jenfasizza l-importanza li titrawwem u tisaħħaħ il-kooperazzjoni transkonfinali fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'dan ir-rigward, u jenfasizza l-importanza kruċjali li jiġu provduti riżorsi adegwati u taħriġ għall-forzi tal-pulizija li jaħdmu fuq il-post;

6.

Jitlob id-divulgazzjoni sħiħa tal-pjanijiet ta' Azzjoni tal-Kunsill u l-linji gwida dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu;

7.

Jikkunsidra li l-protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, kif ukoll ir-Riżoluzzjoni 2178 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, għandhom jintużaw mill-Istati Membri u mill-Istituzzjonijiet Ewropej sabiex jintlaħaq ftehim dwar definizzjoni komuni tal-inkriminazzjoni tal-persuni li għandhom jitqiesu bħala “ġellieda barranin”; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studji fil-fond tal-kawżi primarji, tal-proċess, u tal-bosta influwenzi u fatturi li jwasslu għal radikalizzazzjoni bl-appoġġ taċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (NSR) il-ġdid;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tħejji, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Europol u mal-koordinatur kontra t-terroriżmu, rapport annwali dwar l-istat ta' sigurtà fl-Ewropa, inkluż fir-rigward tar-riskji ta' radikalizzazzjoni u l-konsegwenzi għas-sigurtà ta' ħajjet in-nies u tal-integrità fiżika fl-UE, u biex tirrapporta lura lill-Parlament fuq bażi annwali;

9.

Jinsisti fuq l-importanza li jsir użu sħiħ tal-istrumenti li diġà jeżistu għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ taċ-ċittadini Ewropej mill-organizzazzjonijiet terroristiċi; jenfasizza l-importanza li jintużaw l-istrumenti interni u esterni kollha b'mod olistiku u komprensiv; jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw il-mezzi disponibbli, partikolarment fir-rigward tal-fondi għas-sigurtà interna (FSI), permezz tal-istrument tal-Pulizija FSI sabiex jiġu appoġġjati proġetti u miżuri li jipprevjenu r-radikalizzazzjoni; jenfasizza r-rwol ewlieni li jista' jkollhom l-NSR u ċ-Ċentru ta' eċċellenza tagħha f'dan l-objettiv tal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej b'mod komprensiv; jitlob pubbliċità u viżibbiltà aħjar ta' dan in-netwerk mal-atturi tal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni;

II.    Il-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti u tar-radikalizzazzjoni tat-terroristi fil-ħabsijiet

10.

Jenfasizza li l-ħabsijiet ħuma wieħed minn numru ta' ambjenti li fihom jifjorixxi t-tixrid ta' ideoloġiji radikali u vjolenti u r-radikalizzazzjoni terroristika; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippromwovi l-iskambji ta' prattiki tajba bejn l-Istati Membri biex jiffaċċjaw iż-żieda tar-radikalizzazzjoni terroristika fil-ħabsijiet fl-Ewropa; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet immedjati kontra ħabsijiet iffullati, li hija problema kbira f'ħafna Stati Membri li żżid b'mod sinifikanti r-riskju tar-radikalizzazzjoni u tnaqqas l-opportunitajiet għar-riabilitazzjoni. ifakkar li l-istituzzjonijiet pubbliċi ta' protezzjoni taż-żgħażagħ jew iċ-ċentri ta' detenzjoni jew riabilitazzjoni jistgħu jrawmu wkoll ir-radikalizzazzjoni fost il-minuri li huma mira partikolarment vulnerabbli;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida bbażati fuq l-aħjar prattiki dwar miżuri li għandhom jiġu implimentati fil-ħabsijiet Ewropej immirati lejn il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tal-estremiżmu vjolenti, b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem; jinnota li s-separazzjoni tal-ħabsin li jinstabu li jkunu assoċjaw ruħhom ma' estremiżmu vjolenti jew diġà ġew reklutati minn organizzazzjonijiet terroristiċi minn ħabsin oħra hija mezz possibbli għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni tat-terroristi milli tiġi imposta oħrajn permezz ta' intimidazzjoni tillimita r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet; iwissi, madankollu, li tali miżuri jiġu imposti biss fuq bażi ta' każ b'każ, u għandhom ikunu bbażati fuq deċiżjoni ġudizzjarja u suġġetti għal rieżami mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti; barra minn hekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeżaminaw l-evidenza u l-esperjenza dwar il-prattika ta' separazzjoni fil-ħabsijiet bil-għan li titwaqqaf il-firxa tar-radikalizzazzjoni; huwa tal-fehma li din il-valutazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' prattiki f'sistemi tal-ħabsijiet nazzjonali; ifakkar, madankollu, li dawn il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati u f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali tal-ħabsi;

12.

Jappoġġja l-introduzzjoni ta' taħriġ speċjalizzat għal persunal tal-ħabs kollu, kif ukoll l-imsieħba li joperaw fis-sistema penali, l-istaff reliġjuż u l-persunal tal-NGOs li jinteraġixxu mal-priġunieri, sabiex jgħallimhom jidentifikaw fi stadju bikri, jipprevjenu u jittrattaw ma' imġiba li jkollha tendenzi estremisti u radikali; jinsisti fuq l-importanza ta' taħriġ u reklutaġġ xierqa ta' rappreżentanti reliġjużi, filosofiċi u lajċi li jaħdmu fil-ħabsijiet bil-għan li mhux biss jissodisfaw b'mod xieraq il-ħtiġijiet kulturali u spiritwali fiċ-ċentri penitenzjarji, imma wkoll biex jikkontribwixxu għall-kontrobilanċjar ta' diskors radikali potenzjali;

13.

Iħeġġeġ it-twaqqif ta' programmi edukattivi b'fondi adegwati għall-ħabsijiet Ewropej sabiex jippromwovi l-ħsieb kritiku, it-tolleranza reliġjuża, u l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà ta' ħabsin, iżda wkoll biex tiġi offruta għajnuna speċjali lil dawk li għadhom żgħar, vulnerabbli jew aktar suxxettibbli għar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi, u b'hekk fuq bażi tal-għola rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-ħabsin; iqis li sussegwentement għall-ħelsien mill-ħabs, għandhom jiġu offruti wkoll miżuri ta' akkumpanjament;

14.

Jirrikonoxxi li fundamentali għal tali sforzi huwa ambjent tal-ħabs li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem tal-ħabsin jikkonforma mal-istandards internazzjonali u reġjonali, inklużi r-Regoli Minimi Standard tan-NU għat-Trattament tal-Ħabsin;

III.    Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni terroristika fuq l-Internet

15.

Jinnota li l-internet jipprovdi sfidi speċifiċi minħabba n-natura globali u transfruntiera tiegħu, li tista' toħloq lakuni legali u konflitti ġuriżdizzjonali u b'hekk tippermetti lil dawk li jirreklutaw u dawk li huma radikalizzati biex jikkomunikaw mill-bogħod u faċilment minn kull naħa tad-dinja mingħajr fruntieri fiżiċi, mingħajr il-bżonn li jistabbilixxu bażi u mingħajr il-bżonn li jfittxu kenn f'pajjiż partikulari; ifakkar li l-internet u n-netwerks soċjali huma pjattaformi sinifikanti biex jinkoraġixxu r-radikalizzazzjoni u l-fundamentaliżmu, peress li jiffaċilitaw id-distribuzzjoni globali rapida u fuq skala kbira ta' messaġġi ta' mibegħda u tifħir tat-terroriżmu; jinsab imħasseb dwar l-impatt ta' dawn il-messaġġi ta' ġustifikazzjoni tat-terroriżmu speċjalment fuq iż-żgħażagħ, kategorija partikolarment vulnerabbli tal-popolazzjoni; jissottolinja r-rwol tal-edukazzjoni u tal-kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fuq l-internet; jafferma l-impenn tiegħu għal-libertà ta' espressjoni mhux biss offline iżda wkoll online, u jemmen li dan għandu jsejjes kull azzjoni regolatorja dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni permezz tal-internet u l-midja soċjali; jinnota d-djalogu mniedi fil-livell Ewropew ma' kumpaniji tal-internet bil-għan li tiġi evitata d-distribuzzjoni fuq l-internet ta' kontenut illegali u t-tħassir malajr ta' tali kontenut, b'konformità mad-dritt tal-UE u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u b'konformità stretta mal-libertà ta' espressjoni; jappella għal strateġija effettiva għas-sejba u t-tneħħija ta' kontenut illegali li jinċita l-estremiżmu vjolenti, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali u l-libertà tal-espressjoni, u b'mod partikolari l-kontribuzzjoni għat-tixrid ta' diskors effettiv fil-ġlieda kontra l-propaganda terroristika;

16.

Ifakkar li l-kumpaniji tal-internet u tal-midja soċjali u l-fornituri tas-servizz tal-internet għandhom responsabbiltà legali li jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-Istati Membri billi jħassru kwalunkwe kontenut illegali li jxerred l-estremiżmu vjolenti, b'ħeffa u b'rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni; jemmen li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jressqu azzjonijiet legali, inklużi proċeduri kriminali, kontra kumpaniji tal-internet u tal-midja soċjali u fornituri tas-servizz li jirrifjutaw li jikkonformaw ma' talba amministrattiva jew ġudizzjarja li jħassru kontenut illegali jew kontenut li jfaħħar it-terroriżmu fuq il-pjattaformi tagħhom tal-internet; jemmen li r-rifjut jew nuqqas deliberat min-naħa ta' pjattaformi tal-internet milli jikkooperaw, biex b'hekk jippermettu li tali kontenut illegali jiċċirkula, għandu jitqies bħala att ta' kompliċità li jista' jitqabbel ma' intenzjoni kriminali jew negliġenza, u li dawk responsabbli għandhom f'każijiet bħal dawn jitressqu quddiem il-ġustizzja;

17.

Jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw kontroll aktar strett tal-websajts tal-internet li jrawmu l-mibegħda;

18.

Huwa konvint li l-internet huwa pjattaforma effettiva għall-firxa tad-diskors ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-oppożizzjoni kontra l-vjolenza; iqis li l-industrija tal-internet u l-fornituri tas-servizz tal-internet għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mas-soċjetà ċivili biex jippromwovu narrativi qawwija u attraenti biex jiġi miġġieled id-diskors ta' mibegħda u r-radikalizzazzjoni fuq l-internet, li għandhom ikunu bbażati fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jitlob li l-pjattaformi diġitali jikooperaw mal-Istati Membri, mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet li l-oqsma ta' kompetenza tagħhom huma d-deradikalizzazzjoni tat-terroriżmu jew l-evalwazzjoni tad-diskors ta' mibegħda, sabiex jieħdu sehem fit-tqassim ta' messaġġi ta' prevenzjoni li jappellaw għal żvilupp ta' ħsieb kritiku u għal proċess ta' deradikalizzazzjoni, kif ukoll li jiġu identifikati modi legali innovattivi biex jiġi miġġieled it-tifħir tat-terroriżmu u tad-diskors ta' mibegħda, u b'hekk ir-radikalizzazzjoni online ssir aktar diffiċli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' tali kontronarrativi fuq l-internet, u biex jaħdmu mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jissaħħu l-mezzi ta' distribuzzjoni u ta' promozzjoni tad-diskors demokratiku u mhux vjolenti;

19.

Jappoġġja l-implimentazzjoni ta' programmi li jqajmu kuxjenza fost iż-żgħażagħ dwar id-diskorsi ta' mibegħda onlajn u r-riskji li dawn jirrappreżentaw u programmi ta' promozzjoni tal-edukazzjoni fil-midja u l-internet; jappoġġa l-organizzazzjoni ta' programmi ta' taħriġ biex jiġu mobilizzati, imsawra u maħluqa netwerks ta' attivisti żgħażagħ għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;

20.

Huwa tal-fehma li l-ħolqien ta' kontrorealtà, anki fil-pajjiżi terzi, huwa wieħed mill-elementi fundamentali għall-ġlieda kontra l-ġibda lejn il-gruppi terroristiċi fir-reġjun MENA; jistieden lill-UE żżid is-sostenn favur inizjattivi bħal SSCAT (Grupp Konsultattiv għall-Komunikazzjoni Strateġika dwar is-Sirja) u tippromwovi r-realizzazzjoni u l-finanzjament ta' proġetti ta' dan it-tip fil-pajjiżi terzi;

21.

Jikkunsidra li l-industrija tal-internet u l-fornituri tas-servizzi tal-internet għandhom is-setgħa li jagħtu aktar saħħa lill-messaġġi ta' prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni bl-għan li jiġu ffaċċjati l-messaġġi li jiġġustifikaw it-terroriżmu; iqis li għandha tinħoloq unità Ewropea speċifika fi ħdan l-Europol, sabiex taqsam il-prattiki tajbin fl-Istati Membri, filwaqt li tikkoopera b'mod permanenti mal-operaturi tal-internet, sabiex jitfgħu fuq quddiem il-messaġġi li jopponu d-diskors ta' mibegħda u t-tfaħħir tat-terroriżmu, u b'hekk jirrendu r-radikalizzazzjoni permezz tal-internet aktar diffiċli; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġjaw l-użu effettiv ta' kontronarrattivi u miżuri ta' taffija permezz tal-internet;

22.

Jappoġġja l-introduzzjoni ta' miżuri li jagħmlu possibbli li kull wieħed mill-utenti tal-internet jirrapporta b'mod faċli u rapidu kontenut illegali li jkun qed jiċċirkola fuq l-internet u fin-netwerks soċjali u li jirrapportah lill-awtoritajiet kompetenti, inkluż permezz ta' hotlines, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, u l-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali;

23.

Iqajjem tħassib serju dwar l-użu dejjem jiżdied ta' teknoloġiji ta' kriptaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi li jagħmlu impossibbli għall-forzi tal-ordni biex jidentifikaw u jaqraw l-komunikazzjonijiet u l-propaganda tagħhom ta' radikalizzazzjoni, anki meta dawn ikollhom ordni ta' qorti; jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti tindirizza dawn il-kwistjonijiet fid-djalogu tagħhom mal-kumpaniji tal-internet u tal-IT;

24.

Jikkunsidra li kull Stat Membru għandu jwaqqaf unità speċjali bil-kompitu li jimmarka l-kontenut illegali fuq l-internet u li jiffaċilità s-sejba u t-tneħħija ta' kontenut bħal dan; jilqa' l-ħolqien mill-Europol ta' Internet Referral Unit (IRU), li tkun responsabbli għas-sejba ta' kontenut illegali u għall-għoti ta' appoġġ lill-Istati Membri f'dan ir-rigward, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tal-partijiet kollha involuti; jirrakkomanda li dawn l-unitajiet għandhom jikkooperaw ukoll mal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Terroriżmu u ċ-Ċentru Ewropew kontra t-Terroriżmu fi ħdan il-Europol, u ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi f'dan il-qasam; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jikkooperaw flimkien u mal-aġenziji relevanti tal-UE dwar dawn il-kwistjonijiet;

25.

Jilqa' l-ħolqien ta' Ċentru Ewropew għall-ġlieda kontra t-terroriżmu (ECTC) fl-Europol mill-1 ta' Jannar 2016, li minnu se tkun parti l-unità Ewropea ta' indikazzjoni tal-kontenut fuq l-internet; jinsisti fuq il-bżonn li jiġu provduti l-mezzi finanzjarji neċessarji għall-kisba tal-impenji addizzjonali tal-Europol fil-qafas tal-ħolqien taċ-Ċentru għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu; jitlob li l-Parlament ikun debitament involut fil-ħolqien ta' dan iċ-ċentru u fit-termini ta' referenza tiegħu, fil-ħidmiet u l-finanzi tiegħu;

26.

Iqis li r-radikalizzazzjoni fuq l-internet tista' tiġi mrażżna biss permezz ta' tisħiħ tal-ġabra ta' għodod disponibbli lill-UE fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità; jirrakkomanda li l-mandat u r-riżorsi taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) għandhom jiġu msaħħa flimkien ma' dawk tal-Europol u l-Eurojust, biex b'hekk l-EC3 jista' jkollha rwol effettiv f'identifikazzjoni u rispons aħjar għat-theddidiet fuq l-internet u tittejjeb l-identifikazzjoni tal-mezzi użati minn organizzazzjonijiet terroristiċi; ifakkar fin-neċessità li jkun hemm esperti mħarrġa biżżejjed fil-Europol kif ukoll fl-Istati Membri biex iwieġbu għal din it-theddida speċifika; jistieden lill-VP/HR jorganizza mill-ġdid iċ-Ċentru tas-Sitwazzjoni tal-UE (SitCen) u ċ-Ċentru tal-Intelligence (IntCen) u jiżgura l-koordinazzjoni tagħhom mal-Koordinatur ta' Kontra t-Terroriżmu biex jintraċċa aħjar l-attivitajiet kriminali fuq l-internet, u t-tixrid ta' diskors ta' mibegħda relatat mar-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu b'mod sinifikanti l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom u mal-istrutturi u l-aġenziji rilevanti tal-UE;

27.

Iqis li miżuri kollha nazzjonali u tal-UE, li għandhom l-għan li jipprevjenu t-tixrid tal-estremiżmu vjolenti fost iċ-ċittadini Ewropej u r-reklutaġġ tagħhom minn organizzazzjonijiet terroristiċi għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-UE u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż ir-rispett tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, il-prinċipju taċ-ċertezza legali, id-dritt għal smigħ xieraq u imparzjali, id-dritt ta' appell u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni;

IV.    Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni permezz tal-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali

28.

Jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-iskejjel u tal-edukazzjoni fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni; ifakkar fir-rwol kruċjali li għandhom l-iskejjel fil-promozzjoni tal-integrazzjoni u ta' żvilupp tal-ħsieb kritiku u fil-promozzjoni tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-istabbilimenti edukattivi jipprovdu korsijiet u programmi akkademiċi mmirati lejn it-tisħiħ tal-fehim u t-tolleranza, speċjalment fir-rigward ta' reliġjonijiet differenti, l-istorja tar-reliġjonijiet, tal-filosofiji u tal-ideoloġiji; jenfasizza l-bżonn li jiġu mgħallma l-valuri fundamentali u l-prinċipji demokratiċi tal-Unjoni bħad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li huwa d-dmir tal-Istati Membri li jiggarantixxu li s-sistemi edukattivi tagħhom jirrispettaw u jippromwovu l-valuri u l-prinċipji tal-UE u li t-tħaddim tagħhom ma jmorrux kontra l-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u l-integrazzjoni;

29.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-programmi edukattivi dwar l-użu tal-internet jkunu disponibbli f'kull skola (kemm fil-livell primarju kif ukoll f'dak sekondarju), immirat lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex l-utenti tal-internet ikunu responsabbli, kritiċi u jħarsu l-liġi;

30.

Jisħaq fuq l-importanza li l-għalliema jiġu responsabbilizzati biex jieħdu pożizzjoni attiva kontra kull forma ta' diskriminazzjoni u razziżmu; jenfasizza r-rwol essenzjali tal-edukazzjoni u ta' għalliema kompetenti u li jagħtu appoġġ, mhux biss biex jissaħħu r-rabtiet soċjali, jitħeġġeġ sens ta' appartenenza, jiġu żviluppati l-konoxxenzi, il-ħiliet u l-kompetenzi, jinżergħu l-valuri fundamentali u jissaħħu l-kompetenzi soċjali, ċiviċi u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku, iżda wkoll biex – f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ġenituri u l-familji – iż-żgħażagħ jingħataw l-għajnuna biex isiru membri tas-soċjetà attivi, responsabbli u moħħhom miftuħ; jenfasizza li l-iskejjel jistgħu jibnu r-reżiljenza tal-istudenti għar-radikalizzazzjoni billi joffru ambjent sikur u ħin biex jiddiskutu u jeżaminaw kwistjonijiet kontroversjali u sensittivi; jindika li l-adolexxenti jikkostitwixxu grupp partikolarment vulnerabbli, billi jinsabu f'fażi diffiċli ta' ħajjithom huma u jiżviluppaw is-sistema ta' valuri tagħhom u jfittxu s-sinifikat, u fl-istess ħin jistgħu jimpressjonaw ruħhom ħafna u jiġu manipulati faċilment; ifakkar li kemm il-gruppi kif ukoll l-individwi jistgħu jiġu radikalizzati, u jirrikonoxxi li l-iżvilupp tar-rispons għar-radikalizzazzjoni individwali u tal-gruppi jista' jkun differenti; jenfasizza r-rwol li s-soċjetà tiżvolġi billi liż-żgħażagħ toffrilhom prospettivi aħjar u skop fil-ħajja, partikolarment permezz ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja; jissottolinja r-rwol tal-istituti tal-edukazzjoni li jgħallmu liż-żgħażagħ jagħrfu u jvinċu r-riskji u jagħmlu għażliet aktar sikuri, u li jippromwovu sens qawwi ta' appartenenza, komunità komuni, assistenza, appoġġ u responsabilità fil-konfront tal-oħrajn; jisħaq fuq il-ħtieġa li d-diversi opportunitajiet ta' edukazzjoni vokazzjonali u korsijiet akkademiċi offruti jintużaw sabiex iż-żgħażagħ jiġu esposti għall-identitajiet nazzjonali, reġjonali, reliġjużi u etniċi differenti li jeżistu fl-Ewropa;

31.

Jenfasizza li d-diversità tal-Ewropa u l-komunitajiet multikulturali tagħha huma parti integrali min-nisġa soċjali tagħha u huma beni kulturali fundamentali; iqis li kwalunkwe politika għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni trid tkun sensittiva u proporzjonata bil-għan li tirrispetta u ssaħħaħ in-nisġa soċjali mżewqa tal-komunitajiet;

32.

Jenfasizza l-importanza li l-programmi ta' deradikalizzazzjoni jingħaqdu ma' miżuri bħall-istabbiliment ta' sħubijiet mar-rappreżentanti tal-komunità, l-investiment fi proġetti soċjali u tal-viċinat intiżi biex iħarbtu l-marġinalizzazzjoni ekonomika u ġeografika, u biex jingħata appoġġ lill-iskemi ta' konsulenza għal żgħażagħ aljenati u esklużi meqjusa f'riskju ta' radikalizzazzjoni; ifakkar li l-Istati Membri kollha huma obbligati li jimplimentaw b'diliġenza strumenti tal-UE kontra d-diskriminazzjoni u jieħdu miżuri effikaċi biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni, diskors ta' mibegħda u reati ta' mibegħda bħala parti minn strateġija għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri huma u jmexxu kampanja ta' komunikazzjoni maħsuba biex tqajjem kuxjenza fost iż-żgħażagħ u fost il-persunal ta' superviżjoni, dwar il-kwistjonijiet ta' radikalizzazzjoni; jisħaq li t-taħriġ jew il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għandhom jiġu bbażati bi prijorità fuq intervent bikri, bil-għan li jiġu protetti l-individwi u jiġi evitat kull riskju ta' radikalizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ speċjali u għodod xierqa lill-persunal edukattiv, biex b'hekk jippermettulu jindividwa kwalunkwe kambjament ta' tħassib fl-imġiba, jidentifika ċrieki ta' kompliċità li jamplifikaw dan il-fenomenu tar-radikalizzazzjoni permezz tal-imitazzjoni, u jissorvelja kif suppost liż-żgħażagħ li jinsabu f'riskju li jiġu reklutati minn organizzazzjonijiet terroristiċi; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jinvestu u jagħtu sostenn finanzjarju lil faċilitajiet speċjalizzati qrib l-iskejjel li jservu bħala punti ta' kuntatt li jippermettu liż-żgħażagħ, iżda wkoll lill-familji u l-għalliema tagħhom u l-esperti rilevanti, jipparteċipaw f'attivitajiet extrakurrikulari miftuħa għall-familji, inkluża l-konsulenza psikoloġika; jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm linji gwida ċari f'dan il-qasam sabiex ma jiġix kompromess ir-rwol prinċipali tal-għalliema, dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ u oħrajn li għalihom il-benesseri tal-individwu huwa l-aktar fattur importanti, peress li interventi eċċessivi jafu jkunu kontroproduċenti;

34.

Josserva l-opportunitajiet offruti lill-Istati Membri u lill-esperti tal-edukazzjoni medjatika fil-qafas tal-programm 'Ewropa Kreattiva'; jinnota li l-programmi tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kultura, l-attivitajiet soċjali u l-isport jiffurmaw vetturi essenzjali sabiex jappoġġaw l-isforzi tal-Istati Membri bil-għan li jindirizzaw l-inugwaljanzi u jipprevjenu l-emarġinazzjoni; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati, fil-kuntest tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, attivitajiet ġodda maħsuba għall-promozzjni tal-valuri Ewropej; jinsisti għaldaqstant, fost affarijiet oħra, fuq l-għan tat-trażmissjoni u l-prattika ta' valuri ċiviċi matul il-programmi Ewropa għaċ-Ċittadini, Erasmus+ u Ewropa Kreattiva;

35.

Jisħaq li huwa essenzjali li jkun hemm impenn biex jissawwar djalogu interkulturali ma' diversi komunitajiet, mexxejja u esperti, bil-ħsieb li jkunu jistgħu jinkisbu fehim aħjar u prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni; jisħaq fuq ir-responsabilità u r-rwol importanti tal-komunitajiet reliġjużi kollha fil-ġlieda kontra l-fundamentaliżmu, id-diskors ta' mibegħda u l-propaganda terroristika; jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri lejn il-kwistjoni tat-taħriġ għall-mexxejja reliġjużi – li għandu, fejn ikun possibbli, isir fl-Ewropa – fir-rigward tal-prevenzjoni tal-inċitazzjoni għall-mibegħda u l-estremiżmu vjolenti f'postijiet ta' qima fl-Ewropa, u jiġi żgurat li dawk il-mexxejja jikkondividu l-valuri Ewropej, u jiġbed l-attenzjoni wkoll għat-taħriġ tar-rappreżentanti tar-reliġjonijiet, il-filosofiji u s-soċjetà sekulari li jaħdmu f'faċilitajiet korrettivi; jinnota, madanakollu, li filwaqt li postijiet ta' qima jistgħu jipprovdu punti ta' kuntatt, il-parti l-kbira tal-proċess ta' indottrinazzjoni u reklutaġġ isseħħ f'kuntest aktar informali jew fuq l-internet;

36.

Jenfasizza l-importanza kruċjali li tiġi involuta r-responsabilità ta' kull wieħed mill-atturi fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, kemm fil-livell lokali, nazzjonali, Ewropew jew dak internazzjonali; iħeġġeġ l-istabbiliment ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn l-atturi kollha tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali u lokali, u ta' kooperazzjoni akbar bejn l-atturi fuq il-post, bħall-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, bil-għan li jingħata appoġġ lill-vittmi tat-terroriżmu u l-familji tagħhom, kif ukoll individwi li ġew radikalizzati u l-familji tagħhom; jitlob, f'dan ir-rigward, li jiġi introdott taħriġ adegwat għal dawk l-atturi fuq il-post u li jingħata appoġġ finanzjarju addizzjonali għalihom; jisħaq, madankollu, li l-finanzjament għall-NGOs u atturi tas-soċjetà ċivili oħra għandu jkun separat minn appoġġ finanzjarju għal programmi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

37.

Iqis li l-atturi lokali u tas-soċjetà għandhom rwol kruċjali x'iwettqu fl-iżvilupp ta' proġetti adattati għal-lokalitajiet tagħhom jew għall-istruttura tagħhom, flimkien mar-rwol tagħhom bħala fattur ta' integrazzjoni taċ-ċittadini Ewropej li jkunu qed jiksruha mas-soċjetà u jkunu qed jiġu mħajra mir-radikalizzazzjoni terroristika; jemmen li huwa indispensabbli li titqajjem il-kuxjenza fost il-ħaddiema tal-ewwel linja (għalliema, edukaturi, uffiċjali tal-pulizija, aġenti għall-protezzjoni tat-tfal u ħaddiema fis-settur tal-kura tas-saħħa), u li dawn jiġu infurmati u mħarrġa bil-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet lokali sabiex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni; iqis li l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw il-ħolqien ta' strutturi li jiffaċilitaw, b'mod partikolari, l-għoti ta' gwida liż-żgħażagħ, iżda wkoll skambju mal-familji, l-iskejjel, l-isptarijiet, l-universitajiet, eċċ.; ifakkar li dawn il-miżuri jistgħu jiġu implimentati biss permezz ta' programmi ta' investiment soċjali fit-tul; jinnota li l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet f'dan il-qasam, li m'għandhomx x'jaqsmu mal-gvernijiet, jistgħu jiksbu riżultati eċċellenti għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà ta' ċittadini li qabdu t-triq tar-radikalizzazzjoni;

38.

Iqis li huwa essenzjali li titwaqqaf sistema ta' twissija għall-għoti ta' assistenza u gwida f'kull Stat Membru, li tippermetti lill-familji u l-membri tal-komunità jiksbu sostenn jew tidentifika faċilment u malajr bidla f'daqqa fl-imġiba li tista' tagħti sinjal li għaddej proċess ta' radikalizzazzjoni terroristika jew it-tluq ta' individwu biex jingħaqad ma' organizzazzjoni terroristika; jinnota li, f'dan ir-rigward, il-“hotlines” kienu ta' suċċess u qed jippermettu r-rappurtar ta' persuni fost il-ħbieb u l-familja suspettati li ġew radikalizzati, iżda qed jgħinu wkoll lill-ħbieb u l-familji huma u jħabbtu wiċċhom ma' din is-sitwazzjoni destabilizzanti; jitlob lill-Istati Membri iqisu l-possibilità li jistabbilixxu tali sistema;

39.

Ifakkar li ż-żieda tal-Iżlamofobija fl-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi għall-esklużjoni tal-Musulmani mis-soċjetà, li tista' toħloq sitwazzjoni ideali biex individwi vulnerabbli jingħaqdu ma' organizzazzjonijiet estremisti vjolenti; jikkunsidra li l-Iżlamofobija fl-Ewropa hija mbagħad immanipulata minn organizzazzjonijiet bħad-Da'esh għall-propaganda u reklutaġġ; għalhekk jirrakkomanda l-adozzjoni ta' qafas Ewropew għall-adozzjoni ta' strateġiji nazzjonali biex tiġi miġġielda l-Iżlamofobija, sabiex tingħeleb ukoll id-diskriminazzjoni li xxekkel l-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi u l-abitazzjoni.

40.

Jisħaq li riċerka li saret dan l-aħħar osservat numru dejjem jiżdied ta' tfajliet radikalizzati u rreklutati minn organizzazzjonijiet terroristiċi u tagħti evidenza tar-rwol tagħhom fl-estremiżmu vjolenti; iqis li l-UE u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, filwaqt li, sa ċertu punt, iqisu l-kwistjonijiet marbuta mal-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja programmi ġeneralizzati bil-għan li tinvolvi lit-tfajliet fl-isforzi tagħhom għal aktar ugwaljanza, u tipprovdi netwerks ta' appoġġ li, permezz tagħhom, in-nisa jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom;

41.

Jisħaq fuq l-importanza tar-rwol tal-mara fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni;

V.    It-tisħiħ tal-iskambju ta' informazzjoni dwar ir-radikalizzazzjoni terroristika fl-Ewropa

42.

Itenni l-impenn tiegħu li jaħdem favur it-tlestija ta' Direttiva tal-UE dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) qabel tmiem l-2015 u biex jiggarantixxi li tali Direttiva se jkun konformi mad-drittijiet fundamentali u ħielsa minn kwalunkwe prattika diskriminatorja bbażata fuq stigmatizzazzjoni ideoloġika, reliġjuża jew etnika, u li ser tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-protezzjoni tad-data taċ-ċittadini tal-UE; ifakkar, madankollu, li d-Direttiva tal-UE dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri ser tkun biss miżura waħda fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li strateġija olistika, ambizzjuża u komprensiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, li tinvolvi politika barranija, politika soċjali, politika dwar l-edukazzjoni, l-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja, hija meħtieġa għall-prevenzjoni tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi;

43.

Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-għarfien espert tal-UE rigward il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni billi twaqqaf netwerk Ewropew li jinkorpora l-informazzjoni pprovduta min-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni u min-Netwerk għall-Ippjanar tal-Politika dwar il-Polarizzazzjoni u r-Radikalizzazzjoni, u l-informazzjoni pprovduta minn esperti speċjalizzati f'firxa wiesgħa ta' dixxiplini fix-xjenzi soċjali;

44.

Jinsisti fuq il-ħtieġa assoluta li jissaħħu l-iskambji espedjenti u effikaċi tal-informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri u bejn l-aġenziji rilevanti, partikolarment billi jottimizzaw l-użu u l-kontributi għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), l-Applikazzjoni ta' Netwerk Sikur għall-Iskambju ta' Informazzjoni (SIENA) u l-Punt Fokali “Travellers” tal-Europol dwar iċ-ċittadini Ewropej radikalizzati; jisħaq li l-intensifikazzjoni tal-iskambji bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sseħħ b'aktar fiduċja fost l-Istati Membri, kif ukoll it-tisħiħ tar-rwol u l-għoti effikaċi ta' riżorsi lill-entitajiet tal-UE bħalma huma l-Europol, l-Eurojust u l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL);

45.

Jistieden lill-Unjoni tintegra l-problematika tar-radikalizzazzjoni terroristika fit-taħriġ li jingħata mis-Cepol;

46.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġi implimentat taħriġ Ewropew speċjalizzat tal-professjonisti tal-ġustizzja maħsub li jgħarrafhom dwar il-proċess u l-forom differenti ta' radikalizzazzjoni;

47.

Jisħaq li kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri quddiem ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ taċ-ċittadini hija kkaratterizzata minn skambji intensivi u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom u mal-Eurojust; jinnota li informazzjoni aħjar fil-livell Ewropew dwar ir-rekords kriminali ta' suspettati terroristiċi tkun tippermetti li tiġi aċċellerata l-identifikazzjoni tagħhom u tiġi ffaċilitata s-sorveljanza xierqa tagħhom, kemm fit-tluq tagħhom jew meta jerġgħu jidħlu fl-UE; iħeġġeġ, għaldaqstant, ir-riforma u l-użu aħjar tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibilità u l-valur miżjud tal-istabbiliment tas-Sistema ta' Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (EPRIS); jissottolinja li fi skambji ta' informazzjoni bħal dawn, għandhom jiġu rispettati t-trattati internazzjonali u d-dritt tal-UE, kif ukoll id-drittijiet fundamentali, u b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali u li hija essenzjali sorveljanza demokratika effettiva tal-miżuri tas-sigurtà;

48.

Iqis li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar għandha tkun prijorità tal-UE fil-ġlieda serja u organizzata kontra l-kriminalità internazzjonali; jemmen li, b'mod partikolari, trid tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni rigward il-mekkaniżmi tal-iskambju tal-informazzjoni u t-traċċabilità u l-qerda tal-armi projbiti;

VI.    It-tisħiħ tad-dissważjoni kontra r-radikalizzazzjoni terroristika

49.

Jemmen li l-miżuri intiżi għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej u r-reklutaġġ tagħhom mill-organizzazzjonijiet terroristiċi se jkollhom effett sħiħ biss jekk ikunu akkumpanjati minn sensiela ta' miżuri effikaċi, dissważivi u artikolati tal-ġustizzja kriminali fl-Istati Membri kollha; iqis li, jekk l-atti terroristiċi li jkunu twettqu barra l-Unjoni ma' organizzazzjonijiet terroristiċi jiġu kkriminalizzati b'mod effikaċi, l-Istati Membri se jkollhom l-għodda meħtieġa biex jeliminaw ir-radikalizzazzjoni terroristika fost iċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jagħmlu użu sħiħ tal-għodod tal-pulizija u għodod ta' kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE f'materji kriminali; iqis li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-ġustizzja (l-imħallfin u l-prosekuturi) għandu jkollhom biżżejjed kapaċità biex jipprevjenu, jikxfu u jipproċedu kontra dawk l-atti, u għandhom ikunu mħarrġa sew u kontinwament dwar delitti relatati mat-terroriżmu;

50.

Jappella għal kapaċitajiet rinfurzati taċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tal-Eurojust, li għandu jkollu rwol kritiku fil-promozzjoni ta' azzjoni konġunta tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri fil-ġbir tal-evidenza u t-tisħiħ tal-effikaċja tal-prosekuzzjonijiet tar-reati relatati mat-terroriżmu; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li għandu jsir aktar użu mill-istrument tat-Tims ta' Investigazzjoni Konġunti, kemm fost l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li magħhom l-Eurojust stabbilixxa ftehimiet ta' kooperazzjoni;

51.

Jinnota li l-prosekuzzjoni tal-atti terroristiċi mwettqa f'pajjiżi terzi minn ċittadini Ewropej, jew minn persuni li m'għandhomx ċittadinanza tal-UE li jirrisjedu fl-UE, teħtieġ li jkun jista' jsir ġbir ta' evidenza f'pajjiżi terzi, abbażi ta' konformità sħiħa mad-drittijiet tal-bniedem; jistieden, għalhekk, lill-UE taħdem fuq l-istabbiliment ta' ftehimiet għall-kooperazzjoni ġudizzjarja u għall-infurzar tal-liġi ma' pajjiżi terzi sabiex tiffaċilita l-ġbir ta' evidenza f'dawn il-pajjiżi, dment li l-istandards u l-proċeduri legali stretti, l-istat tad-dritt, id-dritt internazzjonali u d-drittijiet fundamentali jiġu ssalvagwardjati mill-partijiet kollha u taħt kontroll ġudizzjarju; ifakkar, għalhekk li l-ġbir ta' evidenza, l-interrogazzjoni u tali tekniki investigattivi jridu jitwettqu fi ħdan standards legali stretti, u jridu jirrispettaw il-liġijiet, il-prinċipji u l-valuri tal-UE u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; iwissi f'dan ir-rigward, li l-użu ta' trattament kiefer, inuman u degradanti, it-tortura, il-konsenja extraġudizzjarja, u sekwestru ta' persuni huwa pprojbit skont il-liġi internazzjonali u ma għandux iseħħ għar-raġuni tal-ġbir ta' evidenza dwar reati kriminali mwettqa fit-territorju tal-UE jew barra mit-territorju tagħha minn ċittadini tal-UE;

52.

Jilqa' pożittivament il-fatt li ntbagħtu esperti fil-qasam tas-sigurtà/tal-ġlieda kontra t-terroriżmu f'diversi delegazzjonijiet tal-UE ta' importanza kruċjali bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom biex jagħtu kontribut għall-isforzi Ewropej kontra t-terroriżmu u joħolqu kollegament aktar effikaċi mal-awtoritajiet lokali rilevanti, filwaqt li jkomplu jiżviluppaw il-kapaċità għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE);

53.

Iħeġġeġ, għaldaqstant, l-istabbiliment ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn l-Eurojust u pajjiżi terzi, fuq il-mudell ta' dawk diġà stabbiliti mal-Istati Uniti, in-Norveġja u l-Iżvizzera, filwaqt li jisħaq, madanakollu, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-regoli tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-UE; jindika li għandha tingħata prijorità fl-istabbiliment ta' dawn il-ftehimiet lill-pajjiżi li huma partikolarment affettwati mit-terroriżmu, bħall-pajjiżi tal-MENA; barra minn hekk, huwa tal-fehma li l-iskjerament tal-prosekuturi ta' kollegament tal-Eurojust fil-pajjiżi rilevanti, b'mod partikolari fil-viċinat tan-nofsinhar, jippromwovi aktar l-iskambju ta' informazzjoni u jippermetti kooperazzjoni aħjar bil-għan li t-terroriżmu jiġi miġġieled aħjar filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem;

VII.    Il-prevenzjoni tat-tluq u l-antiċipazzjoni tat-treġġigħ lura taċ-ċittadini Ewropej radikalizzati reklutati minn organizzazzjonijiet terroristiċi

54.

Itenni li l-UE trid iżżid b'urġenza fil-fruntieri esterni tagħha, b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali; jenfasizza li l-identifikar b'mod effettiv tad-dħul u l-ħruġ fl-UE jkun possibbli biss jekk l-Istati Membri jimplimentaw il-kontrolli sistematiċi u obbligatorji fuq il-fruntieri esterni tal-UE; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri jagħmlu użu tajjeb mill-istrumenti eżistenti bħas-SIS u l-VIS, inkluż b'referenza għal passaporti misruqa, mitlufa u ffalsifikati; iqis ukoll li, għal dan il-għan, l-infurzar aħjar tal-Kodiċi ta' Schengen għandu jkun waħda mill-prijoritajiet tal-UE;

55.

Jistieden lill-Istati Membri jagħtu lill-gwardji tal-fruntiera aċċess sistematiku għas-sistema ta' informazzjoni tal-Europol li jista' jkun fiha informazzjoni dwar il-persuni suspettati minn terroriżmu, il-ġellieda barranin u l-persuni li jippritkaw il-mibegħda;

56.

Jistieden lill-Istati Membri jaqsmu l-prattiki tajba fil-qasam tal-kontrolli tal-ħruġ u r-ritorn u l-iffriżar tal-assi finanzjarji ta' ċittadini, fil-kuntest tal-prevenzjoni taċ-ċittadini milli jieħdu sehem f'attivitajiet terroristiċi f'żoni ta' konflitt f'pajjiżi terzi u kif jiġġestixxu r-ritorn tagħhom fl-UE; jisħaq, b'mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jikkonfiskaw il-passaporti taċ-ċittadini tagħhom li qed jippjanaw li jingħaqdu ma' organizzazzjonijiet terroristiċi, fuq talba tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti, skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom u f'konformità sħiħa mal-prinċipju tal-proporzjonalità; iqis li r-restrizzjoni tal-libertà ta' moviment ta' xi ħadd, li huwa dritt fundamentali, tista' tiġi deċiża biss jekk il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżura huma vvalutati kif suppost minn awtorità ġudizzjarja; jappoġġja ulterjorment proċedimenti kriminali kontra persuni suspettati b'terroriżmu u li jinvolvu ruħhom f'attivitajiet terroristiċi malli dawn jidħlu lura fl-Ewropa;

57.

Jagħmel appell għal kontribuzzjonijiet internazzjonali għall-mekkaniżmu ta' finanzjament sostnut mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) biex tkun faċilitata l-istabbilizzazzjoni immedjata taż-żoni liberati mid-Da'esh;

58.

Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill isibu lingwaġġ ta' kundanna ċar fil-konfront tas-sostenn finanzjarju u ideoloġiku deċennali li ċerti gvernijiet u personalitajiet prominenti tal-pajjiżi tal-Golf ipprovdew lill-movimenti estremisti Iżlamiċi; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi bl-iskop li tostakola b'aktar effikaċja s-sostenn materjali u immaterjali lit-terroriżmu; ifakkar li, fil-kuntest tar-reviżjoni attwali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), għandhom jissaħħu d-dimensjoni tas-sigurtà u l-kapaċità tal-istrumenti tal-PEV biex jikkontribwixxu għat-titjib tar-reżiljenza tas-sħab u tal-kapaċitajiet tagħhom biex jiggarantixxu s-sigurtà tagħhom b'rispett tal-istat tad-dritt;

59.

Itenni li l-applikazzjoni xierqa tal-istrumenti eżistenti, bħalma huma s-sistemi SIS, SIS II u VIS, is-sistema SLTD tal-Interpol u l-Punt Fokali tal-Europol 'TRAVELLERS', tikkostitwixxi l-ewwel pass ta' dan it-tisħiħ tal-fruntieri esterni għall-identifikazzjoni ta' ċittadini Ewropej u barranin li jirrisjedu fl-UE li jistgħu jkunu se jitilqu jew ikunu ġejjin lura minn żona ta' kunflitt bil-għan li jwettqu atti terroristiċi, jew li jafu jingħataw taħriġ terroristiku jew jieħdu sehem f'konflitt armat mhux konvenzjonali f'isem organizzazzjonijiet terroristiċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni mal-Istati Membri fil-fruntieri esterni tal-UE ta' informazzjoni rigward 'ġellieda barranin' suspettati;

60.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe ġellieda barranin huma mqiegħda taħt kontroll ġudizzjarju u, fejn meħtieġ, f'detenzjoni amministrattiva meta jirritornaw fl-Ewropa, sakemm issir prosekuzzjoni ġudizzjarja debita;

61.

Huwa serjament konvint li kwalunkwe tfassil ta' politika fil-qasam tat-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni jeħtieġ li jiġbor flimkien l-għarfien espert u l-assi tad-dimensjonijiet interni u esterni tal-politika tal-UE; jemmen, f'dan ir-rigward, li huwa abbażi ta' dan l-approċċ olistiku li jista' jitfassal rispons adegwata biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u r-reklutaġġ terroristiku fl-UE u fil-viċinat tagħha; jappella, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lis-SEAE, taħt it-tmexxija u l-gwida tal-VP/HR u l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, u bl-appoġġ tal-Koordinatur tal-Antiterroriżmu, biex jaħdmu flimkien biex ifasslu approċċ ta' politika li jikkombina b'mod effikaċi l-għodod tal-politika soċjali (inkluż l-impjegar, l-integrazzjoni u l-antidiskriminazzjoni), l-għajnuna umanitarja, l-iżvilupp, ir-riżoluzzjoni tal-konflitt, il-ġestjoni tal-kriżi, il-kummerċ, l-enerġija u kull qasam politiku ieħor li jista' jkollu dimensjoni interna-esterna;

VIII.    It-tisħiħ tar-rabtiet bejn is-sigurtà interna u s-sigurtà esterna tal-UE

62.

Jisħaq għal darba oħra li huwa kruċjali li l-UE tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-pajjiżi ta' tranżitu u l-pajjiżi ta' destinazzjoni, kull meta dan ikun possibbli, b'rispett tal-liġijiet tal-UE, tal-prinċipju u tal-valuri u tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem, bil-għan li jkun jista' jiġi identifikat it-tluq jew it-treġġigħ lura ta' ċittadini Ewropej, u residenti Ewropej u mhux, li jkunu telqu biex jiġġieldu fi ħdan organizzazzjonijiet terroristiċi; jisħaq ukoll dwar il-bżonn li jissaħħu d-djalogu politiku u l-pjanijiet ta' azzjoni komuni dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu, fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali kif ukoll mal-organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Unjoni Afrikana u l-Lega Għarbija;

63.

Jinnota r-rieda tal-VP/RGħ Federica Mogherini li jingħata appoġġ lill-proġetti ta' prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fil-pajjiżi terzi, inklużi l-Ġordan, il-Libanu u l-Iraq kif ukoll ir-reġjun Saħel/Magreb, kif indikat fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Frar 2015; jisħaq li issa jeħtieġ li jkun garantit li dawn il-proġetti jirċievu l-finanzjamenti neċessarji mill-aktar fis possibbli;

64.

Jistieden lill-UE żżid il-kooperazzjoni mas-sħab reġjonali biex twaqqaf it-traffikar tal-armi, billi timmira partikolarment il-pajjiżi minn fejn ikun ġej it-terroriżmu, u ssegwi b'attenzjoni l-esportazzjonijiet ta' armi li aktarx ikunu sfruttati mit-terroristi; jappella wkoll biex jissaħħu l-istrumenti tal-politika barranija u l-impenn mal-pajjiżi terzi biex jiġi miġġieled il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet terroristiċi; jiġbed l-attenzjoni li l-konklużjoni tas-Summit tal-G 20 tas-16 ta' Novembru 2015, li jistieden lit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) tieħu azzjoni aktar malajr u b'mod aktar effiċjenti meta tiġi biex taqta' l-finanzjament tal-organizzazzjonijiet terroristiċi;

65.

Iħeġġeġ lill-UE tmexxi djalogi mmirati u msaħħa fil-qasam tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu mal-Alġerija, l-Eġittu, l-Iraq, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Marokk, il-Libanu, l-Arabja Sawdija, it-Tuneżija u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, inkluż f'involviment statali passat jew preżenti insostenn tal-attivitajiet terroristiċi; jemmen ukoll li l-kooperazzjoni mat-Turkija għandha tissaħħaħ b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali ta' Diċembru 2014;

66.

Jistieden lill-Kunsill jiżgura li l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kontra t-terroriżmu/l-ġellieda barranin, adottata fis-16 ta’ Marzu 2015, tkun sottoposta għal rieżami u żvilupp kostanti, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-qagħda tas-sigurtà fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE, b'mod parallel ma' inizjattivi preventivi u ta' xorta oħra bħan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni tal-Kummissjoni (RAN); jistieden ukoll lill-Istati Membri jippromwovu r-rispett u l-fehim reċiproċi bħala elementi fundamentali fil-qafas tal-ġlieda kontra t-terroriżmu kemm fl-UE u fl-Istati Membri tagħha kif ukoll f'pajjiżi terzi;

67.

Jinsab konvint li, għall-istabbiliment ta' kooperazzjoni msaħħa bħal din, jeħtieġ li l-Kummissjoni, u b'mod partikolari s-SEAE, jagħmlu sforzi akbar f'termini ta' żieda u titjib tal-għarfien espert fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-konflitti armati mhux konvenzjonali u r-radikalizzazzjoni, u barra minn hekk isaħħu u jiddiversifikaw il-ħiliet lingwistiċi, pereżempju għall-Għarbi, l-Urdu, ir-Russu u l-Mandarin, minħabba li bħalissa jeżisti nuqqas serju ta' dawn il-ħiliet fis-servizzi tal-informazzjoni u tal-intelligence Ewropej; iqis li huwa essenzjali li l-messaġġ Ewropew għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-vjolenza jkun jista' jinstema' lil hinn mill-fruntieri tagħha permezz ta' azzjoni inċiżiva u effikaċi fil-qasam tal-komunikazzjoni strateġika;

68.

Jappoġġja żieda fil-kooperazzjoni internazzjonali u fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni min-naħa tas-servizzi nazzjonali tal-intelligence bil-għan li jiġu identifikati ċittadini tal-UE f'riskju li jsiru radikalizzati, u jiġu reklutati, u li jivvjaġġaw biex jissieħbu mal-gruppi ġiħadisti jew ma' gruppi estremisti oħrajn; jisħaq li l-pajjiżi tar-reġjun MENA u tal-Balkani tal-Punent għandhom ikunu sostnuti fl-isforzi tagħhom intiżi li jwaqqfu l-fluss tal-ġellieda barranin u biex jiġi evitat li organizzazzjonijiet ġiħadisti jieħdu vantaġġ mill-instabilità politika fi ħdan il-fruntieri tagħhom;

69.

Jirrikonoxxi li r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta' individwi minn netwerks terroristiċi huwa fenomenu globali; jemmen li r-rispons għal dan il-fenomenu m'għandux ikun biss lokali jew Ewropew, iżda wkoll internazzjonali; iqis li huwa neċessarju, għaldaqstant, li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi bil-għan li jiġu identifikati n-netwerks ta' reklutaġġ u tiżdied is-sigurtà mal-fruntieri tal-pajjiżi kkonċernati; itenni wkoll li l-kooperazzjoni mas-sħab ewlenin tagħna li qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi simili għandha tiġi intensifikata permezz ta' djalogu diplomatiku u politiku u kooperazzjoni fl-intelligence;

70.

Itenni li l-firxa globali tat-theddida terroristika għandu jkollha rispons internazzjonali effikaċi u magħqud bil-għan li jiġi evitat b'mod inċiżiv it-traffiku ta' armi lejn pajjiżi li jheddu l-paċi u s-sikurezza internazzjonali;

71.

Jilqa' l-allokazzjoni mill-Kummissjoni f'April 2015 ta' pakkett ta' EUR 10 miljun għall-finanzjament ta' programm li jgħin lill-pajjiżi sħab fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni fir-reġjun Saħel/Magreb u jwaqqaf il-fluss ta' ġellieda barranin li ġejjin mill-Afrika ta' Fuq, mil-Lvant Nofsani u mill-Balkani tal-Punent.(porzjon inizjali ta' EUR 5 miljun għall-finanzjament tal-assistenza teknika biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-uffiċjali tal-ġustizzja kriminali li jinvestigaw, iressqu quddiem il-ġustizzja u jagħtu sentenzi ġudizzjarji f'każijiet ta' ġellieda barranin jew ġellieda barranin potenzjali; it-tieni porzjon ta' EUR 5 għall-finanzjament tal-ġlieda kontra l-programmi ta' radikalizzazzjoni fir-reġjun Saħel/Magreb); jisħaq dwar l-importanza li jiġi ssorveljat b'mod strett l-użu xieraq ta' dawn il-fondi sabiex ikun żgurat li dawn ma jiffinanzjawx proġetti marbuta mal-proselitiżmu, l-indottrinazzjoni u finijiet oħra estremisti;

IX.    Il-promozzjoni tal-iskambju ta' prattiki tajba fir-rigward tad-deradikalizzazzjoni

72.

Iqis li l-istabbiliment ta' politika komprensiva għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ taċ-ċittadini Ewropej mill-organizzazzjonijiet terroristiċi ma tistax tkun ta' suċċess jekk ma tkunx akkumpanjata minn politiki proattivi ta' deradikalizzazzjoni u inklużjoni; jappella, għaldaqstant, lill-UE biex tiffaċilita l-kondiviżjoni mill-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi li diġà kisbu esperjenza u riżultati pożittivi f'dan il-qasam ta' prattika tajba fir-rigward tal-istabbiliment ta' strutturi ta' deradikalizzazzjoni u l-prevenzjoni taċ-ċittadini tal-UE u persuni li mhumiex ċittadini tal-UE li jgħixu legalment fl-UE milli jħallu l-UE jew jidħlu lura fiha; ifakkar fil-bżonn li jiġi offrut appoġġ lill-familji ta' tali individwi wkoll;

73.

Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jistudjaw l-istabbiliment ta' konsulenti jew assistenti konsulenti fil-proċess ta' deradikalizzazzjoni taċ-ċittadini tal-UE li jirritornaw miż-żoni ta' konflitt f'qagħda ta' diżillużjoni minħabba dak li ġarrbu hemmhekk, bil-għan li jgħinuhom jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà permezz ta' programmi adegwati; jissottolinja l-bżonn ta' skambju aħjar tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri f'dan ir-rigward; jisħaq li l-konsulenti għandhom ikunu lesti biex jikkontribwixxu għal programmi speċifiċi permezz ta' taħriġ xieraq;

74.

Jappella għat-tnedija ta' kampanja ta' komunikazzjoni strutturata fil-livell tal-UE, li tagħmel użu minn każijiet ta' persuni li kienu “ġellieda barranin” u li għaddew mid-deradikalizzazzjoni b'suċċess u l-esperjenzi trawmatiċi tagħhom jikkontribwixxu għall-kxif tad-dimensjoni reliġjuża ferm perversa u qarrieqa li wieħed jissieħeb ma' organizzazzjonijiet terroristiċi bħalma hi l-ISIS; iħeġġeġ, għaldaqstant, l-iżvilupp fi ħdan l-Istati Membri ta' pjattaformi li jippermettu konfrontazzjoni u djalogu ma' dawn il-ġellieda veterani; jenfasizza barra minn hekk li l-istabbiliment ta' kuntatt mal-vittmi tat-terroriżmu jidher li huwa metodu effettiv ta' desagralizzazzjoni jew ta' tneħħija tal-importanza ideoloġika tad-diskorsi radikali; jissuġġerixxi li din il-kampanja tintuża bħala għajnuna fil-proċess ta' deradikalizzazzjoni fil-ħabsijiet, l-iskejjel u fl-istrutturi kollha fejn iseħħu l-prevenzjoni u r-riabilitazzjoni; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tappoġġa, partikolarment permezz ta' finanzjament, u tikkoordina kampanji ta' komunikazzjoni nazzjonali bħal dawn;

X.    Iż-żarmar tan-netwerks terroristiċi

75.

Jissottolinja li l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u r-reati fiskali huma f'ċerti każi sorsi ewlenin ta' finanzjament terroristiku li jipperikolaw is-sigurtà interna tagħna u, għaldaqstant, l-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra reati li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-UE jridu jkunu prijorità;

76.

Jenfasizza li organizzazzjonijiet terroristiċi bħalma huma, Daesh u Jabhat al-Nusra akkumulaw riżorsi finanzjarji sostanzjali fl-Iraq u s-Sirja mill-kuntrabandu taż-żejt, mill-bejgħ ta' oġġetti misruqa, mill-ħtif ta' persuni u mill-estorsjoni, mis-sekwestrar ta' kontijiet bankarji u mill-kutrabandu tal-antikitajiet; jitlob, għalhekk, sabiex il-pajjiżi u l-intermedjarji li jikkontribwixxu għal dan is-suq illeċitu jiġu identifikati u l-attivitajiet tagħhom jitwaqqfu kemm jista' jkun malajr;

77.

Jappoġġa l-miżuri intiżi biex idgħajfu l-organizzazzjonijiet terroristiċi minn ġewwa u jnaqqsu l-influwenza potenzjali tagħhom fuq iċ-ċittadini Ewropej u ċittadini mhux Ewropej li legalment jirrisjedu fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-aġenziji kompetenti jistudjaw miżuri ta' żarmar tan-netwerks terroristiċi u ta' identifikazzjoni tal-finanzjamenti tagħhom; jappella, għal dan il-għan, għal kooperazzjoni aħjar bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-Istati Membri u t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni rapida tal-Pakkett Kontra l-Ħasil tal-Flus; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi regolamentazzjoni dwar l-identifikazzjoni u l-ibblokkjar tal-kanali ta' finanzjament għat-terroriżmu, u l-kontrobilanċ ta' modi li bihom huma ffinanzjati; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tevalwa mill-ġdid il-ħolqien ta' sistema Ewropea ta' traċċar tal-finanzjament għat-terroriżmu; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw l-għola standards ta' trasparenza rigward l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji tal-istrutturi korporattivi kollha fl-UE u f'ġurisdizzjonijiet xejn ċari, li jafu jkunu mezzi għall-finanzjament ta' organizzazzjonijiet terroristiċi;

78.

Jilqa' l-adozzjoni reċenti tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, li tipproponi passi importanti biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni bħall-ħolqien ta' Ċentru Ewropew għall-Ġlieda ta' Kontra t-Terroriżmu fl-Europol; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-miżuri eżistenti u jappella lill-Kummissjoni tirrapporta riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti biex tilħaq l-azzjonijiet proposti tagħha b'mod effikaċi;

79.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrevedi b'urġenza l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armi tan-nar billi tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE sabiex tiffaċilita r-rwol tal-pulizija nazzjonali u tal-awtoritajiet ta' investigazzjoni fis-sejba u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi fis-suq illeċitu u fid-“dark net”, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi standards komuni tad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar b'tali mod li l-armi tan-nar diżattivati jsiru inoperabbli b'mod irriversibbli;

80.

Jappella għal approċċ armonizzat għad-definizzjoni tad-diskors ta' mibegħda onlajn u offline bħala reat kriminali li, bih, ir-radikali jinċitaw lil oħrajn biex ma jirrispettawx u biex jiksru d-drittijiet fundamentali; jissuġġerixxi li din l-azzjoni speċifika għandha tiddaħħal fid-deċiżjonijiet qafas rilevanti tal-Kunsill;

81.

Jistieden lill-Istati Membri jipparteċipaw f'dawn l-isforzi ta' traċċabilità tal-flussi finanzjarji esterni, u jiżguraw u juru trasparenza fir-relazzjonijiet tagħhom ma' ċerti pajjiżi tal-Golf, bil-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni sabiex jinxteħet dawl fuq il-finanzjament tat-terroriżmu u tal-fundamentaliżmu fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani, iżda wkoll ta' ċerti organizzazzjonijiet fl-Ewropa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkollaboraw fl-eliminazzjoni tas-suq illeċitu taż-żejt li jipprovdi introjtu essenzjali għall-organizzazzjonijiet terroristiċi; jemmen li l-Istati Membri mgħandhomx iżżommu lura milli jużaw miżuri restrittivi kontra individwi u organizzazzjonijiet fejn hemm evidenza kredibbli ta' finanzjament jew kompliċità oħra mat-terroriżmu;

82.

Jirrifjuta bil-qawwa kwalunkwe tentattiv biex jitneħħew aspetti tar-rapport li jiffokaw fuq il-ġlieda kontra atti ta' terroriżmu u estremiżmu bħala tali; iqis li huwa inutli u kontroproduċenti li tinqasam ir-rabta bejn il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontra l-manifestazzjonijiet ta' din tal-aħħar; jistieden lill-Kunsill joħloq lista sewda ta' ġiħadisti Ewropej u ta' terroristi ġiħadisti suspettati;

o

o o

83.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi kandidati, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Unjoni Afrikana, lill-istati membri tal-Unjoni għall-Mediterran, tal-Lega Għarbija u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0384.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2014)0102.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2015)0032.


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/117


P8_TA(2015)0411

Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2014-2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2014-2020 (2015/2107(INI))

(2017/C 366/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-preambolu u l-Artikoli 3 u 6 tiegħu,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikoli 3, 6, 9, 20, 151, 152, 153, 154, 156, 159 u 168 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 3, 27, 31, 32 u 33 tagħha,

wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tat-3 ta’ Mejju 1996, b’mod partikolari l-Parti I u l-Parti II, l-Artikolu 3 tagħha,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Philadelphia tal-10 ta’ Mejju 1944 dwar il-miri u l-għanijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ILO fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2015 dwar il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali 2014-2020 (6535/15) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2015 dwar aġenda ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol biex tippromwovi kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (2) (direttiva qafas) u d-direttivi individwali tagħha,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, id-Direttivi partikulari tagħha kif ukoll id-Direttivi tal-Kunsill 83/477/KEE, 91/383/KEE, 92/29/KEE u 94/33/KE, bil-ħsieb li jiġu simplifikati u razzjonalizzati r-rapporti dwar l-implimentazzjoni prattika (5),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020 (COM(2014)0332),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol: Strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol” (COM(2007)0062),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21” (COM(2008)0412),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas dwar l-istress fuq il-post tax-xogħol adottat mis-sħab soċjali (SEC(2011)0241),

wara li kkunsidra “EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020), u l-objettiv ewlieni tagħha li żżid il-livelli ta’ impjieg sa 75 % sal-aħħar tad-deċennju fl-Unjoni Ewropea, inkluż permezz ta’ aktar involviment tan-nisa, tal-ħaddiema akbar fl-età u integrazzjoni aħjar tal-migranti fil-forza tax-xogħol,

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni intitolata “Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli” (COM(2012)0055),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2014)0130),

wara li kkunsidra l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2015 (COM(2014)0902 finali) u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (COM(2014)0906),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Settembru 2001 dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol (6),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament li tittrażmetti l-ftehim dwar il-qafas Ewropew fuq il-fastidju u vjolenza fuq ix-xogħol (COM(2007)0686),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2006 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ħarsien tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa Ewropej minn infezzjonijiet ġejjin mid-demm minħabba korrimenti li jirriżultaw minn labar tas-siringi (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar l-istrateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpanniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-rieżami ta’ nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar theddid għas-saħħa okkupazzjonali marbut mal-asbestos u prospettivi għall-eliminazzjoni tal-asbestos eżistenti kollu (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Jannar 2014 dwar spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi bħala strateġija biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa (14),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2014 u l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-12 ta’ Frar 2015 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (2014-2020),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol,

wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali mnedija fl-2013,

wara li kkunsidra l-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” u l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa,

wara li kkunsidra l-kampanja attwali tal-Aġenzija UE-OSHA’ intitolata “Healthy Workplaces Manage Stress” (Inqas Stress għal iktar Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0312/2015),

A.

billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol tajba li jipproteġu s-saħħa fiżika u mentali huma dritt fundamentali (15) tal-ħaddiema individwali li għandu valur pożittiv fih innifsu;

B.

billi l-kriżi ekonomika wasslet għal żieda fl-insigurtà tax-xogħol u impjiegi atipiċi kif ukoll għal inqas qligħ tal-kumpaniji, speċjalment għall-SMEs; billi dan ma jfissirx li ma nibqgħux inżommu quddiem għajnejna l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol kif ukoll l-ispejjeż soċjali u individwali għolja ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol li jirriżultaw minn nuqqas ta’ konformità;

C.

billi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma ta’ importanza fundamentali għas-soċjetà kif ukoll bħala investiment li għandu effett pożittiv fuq il-produttività u l-kompetittività tal-kumpaniji u jtejjeb ukoll is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u jippermetti lin-nies biex jaħdmu f’saħħa tajba sal-età tal-irtirar statutorja; billi inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard ikkaġunat mix-xogħol huma ta’ piż ferm kbir għas-soċjetà, u t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol madwar l-Ewropa jista’ jikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-ilħuq tal-objettivi tal-Ewropa 2020, fejn s'issa ftit li xejn sar progress biex tintlaħaq il-mira ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75 % għal persuni li għandhom bejn 20 u 64 sena;

D.

billi l-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol, il-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà u l-protezzjoni tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol huma kruċjali biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u b'hekk tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema, li min-naħa tagħha tagħti benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostanzjali lill-ħaddiem ikkonċernat u lis-soċjetà kollha kemm hi; billi 9 minn 10 stabbilimenti fl-UE-28 li jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju regolari jqisuhom bħala mezz utli biex jiġġestixxu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (16);

E.

billi l-Artikolu 153 tat-TFUE jgħid li l-Unjoni se tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fit-titjib b'mod partikolari tal-ambjent tax-xogħol biex tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;

F.

billi t-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-UE hija waħda mill-isfidi ewlenin tal-Istati Membri; billi hemm inugwaljanzi fl-istennija tal-għomor bejn il-kategoriji soċjoprofessjonali u d-diffikultà fix-xogħol; billi, minbarra l-problemi muskoloskeletali (MSDs), il-ħaddiema ta' 'l fuq minn 55 sena huma partikolarment sensittivi għall-kanċer, il-mard tal-qalb, il-problemi respiratorji u l-problemi tal-irqad (17); billi l-indikatur dwar is-snin ta’ ħajja f’saħħitha mar lura b'1,1 sena għan-nisa u b'0,4 sena għall-irġiel bejn l-2010 u l-2013, u dan jissottolinja l-ħtieġa li tiżdied l-aspettattiva ta’ ħajja f’saħħitha, li din tkun tippermetti wkoll li aktar nies jibqgħu fis-suq tax-xogħol sakemm effettivament jilħqu l-età tal-irtirar statutorja;

G.

billi l-kanċers huma l-kawża primarja tal-imwiet relatati max-xogħol (18), segwiti minn mard kardjovaskulari u respiratorju, filwaqt li l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol huma biss minoranza żgħira ħafna tal-imwiet; billi problemi kroniċi ta’ saħħa, bħal pereżempju mard muskoloskeletali (MSD), huma mifruxa sew fl-UE u jistgħu jillimitaw l-abilità tal-persuni biex jidħlu jew jibqgħu f’impjieg bi ħlas (19), u billi huwa vitali li jiġu identifikati minn kmieni l-ħaddiema li jinsabu f'riskju;

H.

billi l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż diretti mġarrba mill-kumpaniji bħala riżultat tal-politiki tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH) li jippromwovu l-benessri tas-saħħa, ambjent ta' xogħol ta' kwalità tajba u produttività huma aktar baxxi b’mod sinifikanti minn dawk assoċjati ma’ mard ikkaġunat mix-xogħol u aċċidenti li l-qafas regolatorju tal-UE jimmira li jipprevjeni (20); billi xi studji jissuġġerixxu li għall-kumpaniji “ritorn fuq il-prevenzjoni” jista' jkun sinifikanti (21);

I.

billi r-rata tal-korriment fatali fuq il-post tax-xogħol u l-proporzjon ta’ ħaddiema, li jirrapportaw li s-saħħa fiżika u mentali u s-sigurtà tagħhom jinsabu f’riskju minħabba x-xogħol tagħhom, tvarja b’mod sinifikanti madwar l-Istati Membri (22) u setturi ta’ attività ekonomika, u dan jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm fokus aktar qawwi fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-OSH bħala element importanti tal-ħarsien tas-saħħa u l-produttività tal-ħaddiema;

J.

billi l-istress fuq il-post tax-xogħol b’mod partikolari, u r-riskji psikosoċjali b’mod ġenerali, huma problema li dejjem qed tikber għall-impjegati u l-impjegaturi madwar l-UE u kważi nofs il-ħaddiema kollha jqisu din il-problema preżenti fuq il-post tax-xogħol tagħhom; billi l-istress fuq il-post tax-xogħol jikkontribwixxi għall-assenteiżmu, iħalli impatt negattiv fuq il-produttività u jammonta għal kważi nofs in-numru ta’ jiem ta’ xogħol mitlufa kull sena; billi l-azzjonijiet meħuda biex jimmaniġġjaw ir-riskji psikosoċjali jvarjaw madwar l-Istati Membri (23);

K.

billi leġiżlazzjoni dwar l-OSH qawwija, implimentata tajjeb u infurzata hija prekondizzjoni importanti għal konformità ma’ rekwiżiti tal-OSH, li tissalvagwardja s-saħħa u l-produttività tal-ħaddiema matul il-ħajja tax-xogħol; billi l-ispezzjonijiet tax-xogħol għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni ta’ politiki tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-livell reġjonali u lokali, u billi l-issodisfar tal-obbligi legali hija r-raġuni ewlenija għal ħafna kumpaniji biex jimmaniġġjaw l-OSH u jistabbilixxu miżuri preventivi ġenerali (24);

L.

billi l-involviment, il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza komprensivi tal-ħaddiema fil-livell tal-kumpaniji u impenn min-naħa tal-maniġment huma importanti ħafna għall-prevenzjoni b'suċċess tar-riskju fuq il-post tax-xogħol (25) u billi postijiet tax-xogħol organizzati mit-trade unions għandhom rati aktar baxxi ta’ aċċidenti u mard;

M.

billi l-ġlieda kontra l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol tista' tirnexxi biss bil-promozzjoni ta' approċċ iffokat fuq il-persuna, f'kull aspett tal-proċess ta' produzzjoni;

N.

billi huma meħtieġa riżorsi suffiċjenti biex jittrattaw b’mod xieraq ir-riskji tal-OSH kemm ġodda u emerġenti kif ukoll dawk tradizzjonali, fosthom ir-riskji tal-asbestos, in-nanomaterjali u dawk psikosoċjali; billi ħafna ħaddiema, inklużi ħaddiema tal-kostruzzjoni, huma potenzjalment esposti għall-asbestos;

O.

billi l-impjieg prekarju għandu effetti negattivi fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u qed idgħajjef l-istrutturi eżistenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; billi l-impjieg prekarju jista' jeskludi l-ħaddiema minn taħriġ u aċċess għal servizzi tal-OSH u huwa assoċjat ma’ stress mentali minħabba fl-insigurtà tax-xogħol (26); billi d-Direttiva Qafas 89/391/KEE tpoġġi r-responsabbiltà fuq l-impjegaturi biex tiġi stabbilita politika ta' prevenzjoni sistematika li tikkonċerna r-riskji kollha; billi l-esternalizzazzjoni tax-xogħol permezz ta’ sottokuntrattar u aġenzija tax-xogħol temporanju jistgħu jagħmluha aktar diffiċli li tiġi identifikata r-responsabbiltà fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-OSH; billi x-xogħol mhux iddikjarat u x-xogħol indipendenti fittizju jikkostitwixxu sfida serja għall-implimentazzjoni ta’ miżuri OSH u s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;

P.

billi s-sħab soċjali għandhom rwol importanti fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki tal-OSH f’livell nazzjonali, internazzjonali u tal-UE; billi l-Artikoli 153 sa 155 tat-TFUE jistabbilixxu l-kamp ta' applikazzjoni u l-awtorità tas-sħab soċjali biex jinnegozjaw u jsaħħu ftehimiet relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

Q.

billi l-qafas regolatorju tal-UE għandu l-għan li jipprevjeni aċċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema kollha; billi aktar ma tkun żgħira l-kumpanija anqas ma l-ħaddiema jiġu infurmati dwar ir-riskji tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; billi ġie ppruvat li ma teżisti l-ebda rabta bejn in-numru ta' aċċidenti u d-daqs tal-kumpanija; billi r-rati ta’aċċidenti tassew jiddependu fuq it-tip ta’ produzzjoni u s-settur ta’ operat (27);

R.

billi d-disponibbiltà u l-komparabbiltà tad-data dwar il-mard ikkaġunat mix-xogħol fil-livell tal-UE mhumiex biżżejjed (28);

S.

billi l-fastidju sesswali fuq ix-xogħol, u s-sens ta' insigurtà li dan joħloq, għandhom jiġu miġġielda;

T.

billi s-segregazzjoni fuq il-post tax-xogħol, id-differenza bejn il-pagi, il-ħin tax-xogħol, il-postijiet tax-xogħol, il-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol, is-sessiżmu u d-diskriminazzjoni sesswali, kif ukoll id-differenzi assoċjati mal-aspetti fiżiċi partikolari tal-maternità, huma fatturi li jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa;

U.

billi jeżisti l-isterjotip li n-nisa għandhom impjiegi b'anqas riskju, billi l-opinjoni ġenerali fl-Ewropa hi li t-tqassim tax-xogħol bejn l-irġiel u n-nisa qatt ma jkun newtrali, u billi, ġeneralment, il-fatt li t-tqassim joskura l-problemi tas-saħħa, u bħala riżultat ta' dan tittieħed azzjoni anqas preventiva b'rabta mal-impjiegi tan-nisa;

V.

billi fl-UE, l-impjieg tan-nisa huwa konsiderevolment ogħla fis-settur tas-servizzi milli fl-industrija, u n-nisa spiss huma impjegati fis-setturi soċjali u tas-saħħa, kif ukoll bl-imnut, il-manifattura, l-edukazzjoni u l-attivitajiet tan-negozju b’konċentrazzjoni dejjem akbar ta’ nisa li jaħdmu part-time u f’impjiegi prekarji, u dan għandu implikazzjonijiet sinifikanti għall-OSH;

W.

billi n-nisa jistgħu jiffaċċjaw riskji speċifiċi, fosthom disturbi muskoloskeletali jew ċerti tipi ta’ kanċer, bħall-kanċer tas-sider jew il-kanċer tal-endometriju minħabba n-natura ta’ ċerti impjiegi fejn huma rrappreżentati żżejjed (29);

X.

billi n-nisa jirrappurtaw livell ogħla ta’ problemi tas-saħħa relatati max-xogħol mill-irġiel irrispettivament mit-tip ta’ impjieg (30) u huma partikolarment vulnerabbli għal mard marbut mal-età; billi, għalhekk, il-miżuri ta' saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol jeħtieġu approċċ ibbażżat fuq is-sess u ċ-ċiklu tal-ħajja;

Y.

billi l-kapaċità riproduttiva tista' tkun f'periklu minħabba problemi ta' saħħa li jistgħu jinħolqu meta ġenituri futuri jew trabi li għadhom fil-ġuf ikunu esposti għall-effetti tat-tniġġis ambjentali u fatturi ta' riskju preżenti fl-ambjent tax-xogħol;

Z.

billi riċerka empirika tissuġġerixxi li n-nisa huma inqas rappreżentati fit-teħid ta' deċiżjonijiet li jirrigwardaw is-saħħa u s-sigurtà;

AA.

billi n-nisa f'żoni rurali għandhom aktar diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet tax-xogħol u tas-saħħa tagħhom u huma mċaħħda aktar minn aċċess għal servizzi tas-saħħa pubblika bażika, trattament mediku speċjali u eżamijiet biex ikun hemm għarfien bikri tal-kanċer;

Il-qafas strateġiku EU-OSH

1.

Jisħaq li l-impjegati kollha, inklużi dawk fis-settur pubbliku, għandhom dritt għall-ogħla livell ta’ protezzjoni rigward is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li jrid ikun garantit irrispettivament mid-daqs tal-impjegatur, it-tip ta' xogħol, il-kuntratt sottostanti jew l-Istat Membru fejn qiegħed l-impjieg; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji speċifiċi tax-xogħol li jkopru l-forom kollha ta’ impjieg taħt il-qafas regolatorju EU-OSH; jenfasizza l-ħtieġa għal regoli ċari u effiċjenti fil-qasam tal-OSH;

2.

Jilqa’ l-fatt li bosta oqsma importanti ta’ azzjoni huma identifikati fil-qafas strateġiku tal-EU-OSH; jiddispjaċih, madankollu, li l-Kummissjoni ma stabbilietx miri speċifiċi fil-qafas; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li, fejn appoġġat b’evidenza xjentifika u r-riżultati minn evalwazzjoni ex post tal-leġiżlazzjoni EU-OSH, miżuri leġiżlattivi u/jew mhux leġiżlattivi aktar konkreti kif ukoll l-implimentazzjoni u l-għodod ta’ infurzar għandhom ikunu inklużi fil-qafas, wara r-rieżami tal-2016;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu miri kwantitattivi ta’ tnaqqis fil-livell tal-UE għal mard u aċċidenti fuq il-post tax-xogħol wara r-rieżami tal-2016 tal-qafas strateġiku tal-OSH u biex jiddependu fuq is-sejbiet tar-riċerka l-aktar riċenti u rieżaminati mill-pari meta jirrieżaminaw il-qafas; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti prijorità speċjali lil dawk is-setturi fejn il-ħaddiema huma esposti għall-akbar riskji u tiżviluppa gwida u tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-OSH;

4.

Jiddispjaċih għad-dewmien fl-istabbiliment tal-qafas strateġiku attwali tal-EU-OSH; jemmen li l-bosta sfidi li jiffaċċjaw il-ħaddiema, in-negozji u s-swieq tax-xogħol Ewropej, inklużi dawk identifikati mill-Kummissjoni, jeħtieġu li l-miżuri jiġu applikati f’waqthom u b’mod effikaċi;

5.

Jenfasizza li huwa fundamentali li jiġi żgurat ambjent tax-xogħol sikur u b’saħħtu, fiżikament u mentalment, tul il-ħajja tax-xogħol tal-persuna sabiex jintlaħaq l-għan ta’ tixjiħ attiv u b’saħħtu għall-ħaddiema kollha; iqis li l-prevenzjoni ta’ inċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol u li tingħata aktar attenzjoni lill-effetti kumulattivi ta’ riskji fuq ix-xogħol joħolqu valur miżjud għall-ħaddiema u għas-soċjetà kollha kemm hi;

6.

Jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri speċifiċi biex jiġu miġġielda l-effetti tal-kriżi billi jassistu kumpaniji li qed ifittxu li jtejbu s-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol;

Strateġiji nazzjonali

7.

Jenfasizza li l-istrateġiji nazzjonali tal-OSH huma essenzjali u jikkontribwixxu għat-titjib tal-OSH fl-Istati Membri; jenfasizza li rappurtar regolari dwar il-progress li jkun sar għandu jiġi inkoraġġit; iqis li huwa essenzjali li l-politiki jkomplu jingħataw bidu u jiġu kkoordinati fil-livell tal-UE filwaqt li ssir enfasi aktar b’saħħitha fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-OSH bil-ħsieb li jiġi żgurat livell għoli ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema kollha; huwa tal-fehma li l-politiki dwar l-OSH, fil-livell Ewropew u dak nazzjonali, għandhom isiru konsistenti ma’ politiki pubbliċi oħrajn u li r-rekwiżiti ta’ konformità għandhom ikunu ċari, sabiex ikun aktar faċli għall-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, biex jikkonformaw; jemmen li l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi implimentata sabiex tirrifletti aħjar ir-riskji speċifiċi li jiffaċċjaw il-ħaddiema rġiel u nisa;

8.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-istrateġiji nazzjonali tal-OSH jirriflettu Qafas Strateġiku EU-OSH u jkunu kompletament trasparenti u miftuħa għall-input mingħand is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, inklużi l-partijiet interessati mill-qasam tas-saħħa, skont id-drawwiet u l-prattiki tal-Istati Membri; iqis il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki kif ukoll id-djalogu soċjali bħala mezz importanti għat-titjib tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

9.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkorporaw miri li jkunu xierqa għall-kuntest u li jistgħu jitkejlu u jitqabblu fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom; jemmen li mekkaniżmi ta’ rappurtar regolari u trasparenti dwar il-progress miksub għandu jiġi inkoraġġit; jenfasizza l-importanza ta’ data affidabbli;

Implimentazzjoni u konformità

10.

Jirrikonoxxi l-importanza li jitqiesu s-sitwazzjoni, il-ħtiġiet speċifiċi u n-nuqqas ta’ konformità mill-intrapriżi mikro u żgħar kif ukoll minn ċerti setturi tas-servizzi pubbliċi, bħall-pulizija, fl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-OSH fil-livell tal-kumpanija; jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni, l-iskambju ta’ prattiki tajbin, konsultazzjoni, gwidi għall-utent li jinftiehmu faċilment u pjattaformi onlajn huma ta’ importanza kbira biex jgħinu lill-SMEs u l-mikrointrapriżi jikkonformaw b’mod aktar effettiv ma’ rekwiżiti regolatorji tal-OSH; jistieden lill-Kummissjoni, l-EU-OSHA u lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw għodod u linji gwida prattiċi, li se jiffaċilitaw il-konformità tal-SMEs u tal-mikrointrapriżi mar-rekwiżiti tal-OSH;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tqis in-natura speċifika u s-sitwazzjoni tal-SMEs u l-mikrointrapriżi meta tirrevedi l-qafas strateġiku sabiex tgħinu lil dawn il-kumpaniji jilħqu l-objettivi stabbiliti fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza li l-kunċett tal-SMEs ikopri madwar 99 % tal-kumpaniji kollha fil-forma attwali tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi biex jiġbru data affidabbli dwar l-implimentazzjoni tal-OSH attwali f’intrapriżi mikro u żgħar;

12.

Jilqa’ l-introduzzjoni tal-Valutazzjoni tar-Riskju Interattiva Online (OiRA) tal-EU-OSHA kif ukoll għodod elettroniċi oħra fl-Istati Membri li jiffaċilitaw il-valutazzjoni tar-riskju u għandhom l-għan li jippromwovu l-konformità u kultura ta’ prevenzjoni, b’mod partikolari f’intrapriżi mikro u żgħar; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw il-fondi Ewropej għal azzjonijiet tal-OSH b’mod ġenerali u l-iżvilupp ta’ għodod elettroniċi b’mod partikolari bil-għan li jappoġġjaw lill-SMEs; jenfasizza l-importanza ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, bħalma huma l-Kampanja dwar il-Postijiet tax-Xogħol Ħielsa mill-Periklu, fil-qasam tal-OSH u jenfasizza l-importanza tas-sensibilizzazzjoni fost min iħaddem u l-impjegati dwar id-drittijiet u l-obbligi bażiċi dwar l-OSH;

13.

Jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jieħdu inizjattivi biex itejbu l-ħiliet tar-rappreżentanti tas-saħħa u tas-sigurtà u tal-maniġers skont id-drawwiet u t-tradizzjonijiet nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-involviment attiv tal-impjegati fl-implimentazzjoni tal-miżuri preventivi tal-OSH u jiżguraw li r-rappreżentanti tas-saħħa u s-sigurtà jistgħu jirċievu taħriġ lil hinn mill-moduli bażiċi;

14.

Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta’ kultura ta’ fiduċja reċiproka, kunfidenza u tagħlim, fejn l-impjegati jkunu mħeġġa biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa u sikur, li jippromwovi wkoll l-inklużjoni soċjali tal-ħaddiema u l-kompetittività tal-kumpaniji; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-ħaddiema m’għandhom isofru l-ebda detriment biex iqajmu tħassib dwar is-saħħa u s-sigurtà;

15.

Jirrimarka li elementi ewlenin ta’ ġestjoni u prestazzjoni tajba tal-OSH huma implimentati sew u leġiżlazzjoni infurzabbli kif ukoll valutazzjoni tar-riskju dokumentata bis-sħiħ bil-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema, li tippermetti li jiġu stabbiliti miżuri preventivi xierqa fuq il-post tax-xogħol;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi kollha meħtieġa biex timmonitorja l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-OSH fl-Istati Membri; jemmen li l-evalwazzjoni ex post tal-implimentazzjoni prattika tad-direttivi tal-EU-OSH fl-Istati Membri tal-UE tipprovdi opportunità tajba biex jitwettaq dan l-eżerċizzju u jistenna li riżultati relatati mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti jiġu kkunsidrati bħala parti mir-rieżami tal-qafas strateġiku;

Infurzar

17.

Jemmen li l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE u l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni inġusta u d-dumping soċjali huma kruċjali; jenfasizza li l-ispettorati tax-xogħol għandhom rwol ewlieni fl-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema għal ambjent tax-xogħol fiżikament u mentalment sikur u b'saħħtu fl-għoti ta’ konsultazzjoni u gwida lil min iħaddem, b’mod partikolari l-SMEs u l-mikrointrapriżi; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isegwu l-istandards tal-ILO u l-linji gwida dwar l-ispezzjoni tax-xogħol, jiżguraw li jkunu disponibbli riżorsi adegwati ta’ persunal u l-ispettorati tax-xogħol u biex itejbu t-taħriġ tal-ispetturi tax-xogħol, kif rakkomandat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (31); jilqa’ l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-ispettorati tax-xogħol fil-Kumitat tal-Ispetturi Għolja tax-Xogħol (SLIC);

18.

Jenfasizza l-problema li tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fir-rigward tal-ħaddiema li jwettqu attivitajiet mhux iddikjarati; ifakkar li l-ispettorati tax-xogħol għandhom rwol importanti biex jiskoraġġixxu x-xogħol mhux iddikjarat; jistieden lill-Istati Membri biex iwettqu spezzjonijiet stretti u jimponu pieni xierqa fuq l-impjegaturi li jħaddmu ħaddiema mhux iddikjarati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat; jenfasizza li maġġoranza ta’ aċċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol isseħħ f’setturi ta’ xogħol intensiv, li fihom xogħol mhux iddikjarat huwa aktar prevalenti milli f’setturi oħra;

19.

Iqis li l-applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar l-OSH tiddependi wkoll, fil-biċċa l-kbira, fuq l-ispezzjonijiet tax-xogħol; jemmen li r-riżorsi għandhom jiġu mmirati lejn dawk is-setturi li ġew identifikati li jippreżentaw l-ogħla riskju għall-ħaddiema; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti, filwaqt li xorta jwettqu spezzjonijiet każwali, biex iwettqu superviżjoni bbażata fuq ir-riskju u jimmiraw awturi ta’ reati ripetuti sabiex l-impjegaturi li ma jikkonformawx ma’ rekwiżiti tal-OSH jinzammu responsabbli; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw l-iskambju ta’ informazzjoni u jtejbu l-koordinazzjoni bejn l-ispettorati tax-xogħol sabiex titjieb il-kooperazzjoni transfruntiera;

Qafas regolatorju

20.

Jilqa’ l-isforzi li saru sabiex titjieb il-kwalità tal-qafas regolatorju u jistenna aktar progress f’dan il-qasam; ifakkar lill-Kummissjoni, madankollu, li l-preżentazzjoni tad-direttivi tal-OSH lir-REFIT u l-modifiki tal-leġiżlazzjoni għandhom ikunu demokratiċi u trasparenti, jinvolvu s-sħab soċjali u m’għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jirriżultaw fi tnaqqis fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-bidliet fuq il-post tax-xogħol li jirriżultaw mill-iżvilupp teknoloġiku għandhom jiġu kkunsidrati; jinnota li l-Istati Membri huma ħielsa li jadottaw standards ogħla mir-rekwiżiti minimi tal-OSH; jemmen, madankollu, li r-regoli eżistenti għandhom ikunu mtejba, fost l-oħrajn, billi tiġi evitata d-duplikazzjoni u tiġi promossa integrazzjoni aħjar tal-OSH ma’ oqsma oħra ta’ politika, filwaqt li tiġi ppreservata u mmirata ż-żieda tal-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;

21.

Jenfasizza li l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u s-sħab soċjali fil-livelli kollha, skont il-liġi u l-prattiki nazzjonali, huwa prerekwiżit għall-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar l-OSH u li l-involviment tas-sħab soċjali fil-livell tal-UE jista' jiżgura li l-qafas strateġiku tal-OSH ikun rilevanti għall-impjegaturi u l-impjegati; jistieden lis-sħab soċjali u lill-Kummissjoni biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv dwar kif jista’ jittejjeb il-qafas regolatorju eżistenti u jemmen li huwa meħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tas-sħab soċjali;

Il-prevenzjoni ta’ mard relatat max-xogħol u riskji ġodda u emerġenti

22.

Jinnota l-importanza tal-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-esponiment għal karċinoġeni, mutaġeni u sustanzi li huma tossiċi għar-riproduzzjoni; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li n-nisa jiġu ta’ spiss esposti għal taħlita ta’ sustanzi, li jistgħu jżidu r-riskji tas-saħħa, inkluż għall-vijabbiltà ta’ wliedhom; itenni bil-qawwa t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal reviżjoni tad- Direttiva 2004/37/KE fuq il-bażi ta’ evidenza xjentifika u żżid valuri tal-limiti tal-espożizzjoni għal sustanzi kimiċi fuq ix-xogħol aktar stretti fejn meħtieġ u biex tiżviluppa sistema ta’ valutazzjoni f’kooperazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol li hija bbażata fuq kriterji ċari u espliċiti; jemmen li duplikazzjonijiet possibbli li jirriżultaw f’nuqqas ta’ konformità mhux intenzjonata għandhom jiġu indirizzati f’dan il-kuntest;

23.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti regoli aktar stretti għall-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li jitqiesu mhux biss il-perjodi ta’ esponiment iżda wkoll it-taħlita ta’ sustanzi kimiċi u/jew sustanzi tossiċi li huma esposti għalihom; jirrimarka li ħafna ħaddiema tal-kura tas-saħħa huma esposti għal sustanzi kimiċi perikolużi fuq il-post tax-xogħol tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni fuq il-fatturi ta' riskju tas-sustanzi kimiċi fis-settur tal-kura tas-saħħa, u biex fil-qafas strateġiku tal-OSH tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-esponiment tal-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa għal drogi perikolużi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-ħaddiema kollha direttament jew indirettament involuti fl-użu jew ir-rimi ta’ tagħmir mediku li jaqta' jkunu protetti b’mod adegwat; jirrimarka li, jekk ikun meħtieġ, tista' tiġi inkluża reviżjoni tad-Direttiva 2010/32/UE dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa;

24.

Jirrimarka li bosta ħaddiema għadhom esposti għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol tagħhom; jistieden lill-UE biex taħdem mill-qrib mas-sħab soċjali u mal-Istati Membri biex jippromwovu u jikkoordinaw l-isforzi tal-Istati Membri biex jiżviluppaw pjanijiet tal-azzjoni nazzjonali, jipprovdu finanzjament adegwat u jieħdu azzjoni xierqa għall-ġestjoni u t-tneħħija sigura tal-asbestos;

25.

Itenni t-talba tiegħu (32) lill-Kummissjoni biex tfassal u timplimenta mudell għall-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni tal-asbestos, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/148/KE; jitlob li ssir kampanja Ewropea dwar l-asbestos, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkumpensaw lill-ħaddiema esposti għall-asbestos;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni dwar waħda mill-aktar problemi tas-saħħa relatati max-xogħol prevalenti fl-Ewropa u tippreżenta mingħajr dewmien proposta għal strument legali komprensiv dwar diżordnijiet muskoloskeletali (MSDs) biex ittejjeb il-prevenzjoni effettiva u tindirizza l-kawżi ta’ MSDs, b’kunsiderazzjoni tal-problema tal-multikażwalità u r-riskji speċifiċi li jiffaċċjaw in-nisa; jenfasizza li l-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tistipula r-rekwiżiti minimi għall-ħarsien tal-ħaddiema minn esponiment għal fatturi ta’ riskju ergonomiku jistgħu jgawdu minnha kemm il-ħaddiema kif ukoll l-impjegaturi billi tagħmel il-qafas regolatorju aktar faċli biex jiġi implimentat u biex jikkonformaw miegħu; jenfasizza wkoll l-importanza tal-iskambju ta’ prattiki tajba u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu aktar konxji u infurmati aħjar dwar il-fatturi ta’ riskju ergonomiku;

27.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw kemm jista’ jkun malajr id-Direttiva 2002/44/KE tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà li jirrigwardaw l-esponiment tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu mill-aġenti fiżiċi;

28.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-importanza li titjieb il-prevenzjoni fuq il-post tax-xogħol għal interferenti endokrinali, li għandhom bosta effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-ħaddiema rġiel u nisa u t-trabi tagħhom (33); jistieden lill-Kummissjoni tfassal mingħajr dewmien strateġija komprensiva dwar l-interferenti endokrinali li tista', fejn meħtieġ, tinkludi l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-pestiċidi u l-bijoċidi u tagħmel aktar stretti r-regoli dwar il-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza li l-appoġġ tal-UE għal riċerka f’alternattivi aktar sikuri huwa essenzjali fir-rigward tal-applikazzjoni taprinċipju ta' prekawzjoni u ta’ sostituzzjoni;

29.

Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni fil-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol 2014-2020 sabiex titjieb il-prevenzjoni ta’ mard relatat max-xogħol, speċjalment fl-oqsma tan-nanoteknoloġija u l-bijoteknoloġija; jenfasizza l-inċertezza potenzjali dwar id-distribuzzjoni u l-użu tan-nanomaterjali u jemmen li tinħtieġ aktar riċerka dwar ir-riskji potenzjali tal-OSH assoċjati man-nanoteknoloġija; jemmen, f’dan ir-rigward, li għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni sabiex jitnaqqsu r-riskji potenzjali għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jimmaniġġjaw in-nanoteknoloġija;

30.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn l-għadd dejjem qed jikber ta’ ħaddiema affettwati minn mard kroniku fil-forza tax-xogħol; huwa tal-fehma li għandhom ikunu disponibbli impjiegi aċċessibbli u siguri għal persuni affettwati b’mard terminali, kundizzjonijiet kroniċi u għal żmien twil u diżabilità; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffukaw fuq iż-żamma u l-integrazzjoni ta’ nies affettwati minn mard kroniku kif ukoll biex jappoġġaw l-adattament raġonevoli tal-postijiet tax-xogħol, li se tiżgura ritorn f’waqtu lejn ix-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-integrazzjoni u l-miżuri ta’ riabilitazzjoni għall-persuni b’diżabilità u biex tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri billi tqajjem kuxjenza u tidentifika u taqsam l-aħjar prattiki dwar l-akkomodazzjonijiet u l-aġġustamenti fuq il-post tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Eurofound biex tkompli teżamina u tanalizza l-opportunitajiet ta’ impjieg u l-livell tal-impjegabbiltà ta’ persuni b’mard kroniku;

31.

Jinnota li l-innovazzjoni teknoloġika tista' tkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà inġenerali; jinsab imħasseb, madankollu, dwar ir-riskji ġodda li jirriżultaw b’konsegwenza ta’ dawn il-bidliet; jilqa’, f'dan il-kuntest, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi netwerk ta’ professjonisti u xjentisti tal-OSH biex l-isfidi futuri jiġu ttrattati aħjar; jenfasizza ż-żieda fl-użu tar-robots kollaborattivi intelliġenti, pereżempju, fil-produzzjoni industrijali, il-manifattura, l-isptarijiet u d-djar tal-anzjani; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jidentifikaw ir-riskji potenzjali tal-OSH li jirriżultaw mill-innovazzjoni teknoloġika u jieħdu miżuri xierqa biex jegħlbuhom;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw programm għal monitoraġġ sistematiku, ġestjoni u appoġġ għall-ħaddiema affettwati minn riskji psikosoċjali, inklużi stress, dipressjoni u “burnout” sabiex, fost l-oħrajn, ifasslu rakkomandazzjonijiet u linji gwida effettivi għall-ġlieda kontra dawn ir-riskji; jenfasizza li l-istress fuq il-post tax-xogħol huwa rikonoxxut bħala ostaklu ewlieni għall-produttività u għall-kwalità tal-ħajja; jinnota, f’dan ir-rigward, li s-saħħa mentali u r-riskji psikosoċjali jistgħu jiġu influwenzati minn bosta fatturi, li mhux kollha huma marbuta max-xogħol; jirrimarka, madankollu, li r-riskji psikosoċjali u l-istress relatat max-xogħol huma problema strutturali marbuta mal-organizzazzjoni tax-xogħol u li l-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji psikosoċjali u l-istress fuq il-post tax-xogħol huma possibbli; jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu studji, titjieb il-prevenzjoni u jitqiesu miżuri ġodda bbażati fuq il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-għodod għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, meta ssir ir-reviżjoni tal-qafas strateġiku tal-OSH fl-2016;

33.

Jilqa’ l-kampanja Inqas Stress għal Iktar Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol; jenfasizza li inizjattivi biex jiġi indirizzat l-istress marbut max-xogħol għandhom jinkludu d-dimensjoni tal-ġeneru, b'kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet speċifiċi tax-xogħol tan-nisa;

34.

Jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni tal-fastidju morali u l-konsegwenzi possibbli tiegħu fuq is-saħħa psikosoċjali; jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-fastidju u l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, tikkunsidra li tippreżenta proposta għal att legali bbażat fuq il-ftehim qafas dwar fastidju u vjolenza fuq il-post tax-xogħol; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ immirat biex jeliminaw ix-xogħol prekarju u jqisu l-effetti negattivi li x-xogħol prekarju għandu fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; jissottolinja li l-ħaddiema b’kuntratti atipiċi jista' jkollhom aktar diffikultajiet biex ikollhom aċċess għal servizzi ta’ taħriġ u tal-OSH; jenfasizza li huwa essenzjali li jittejbu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha f’kull forma ta’ impjieg, inklużi dawk li jistgħu jkunu vulnerabbli bħaż-żgħażagħ u persuni li qabel kienu ġew affettwati minn qgħad fit-tul; jistieden lill-Istati Membri biex jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 96/71/KE biex jiġi miġġieled id-dumping soċjali u biex f’dan il-kuntest jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw u jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema ppostjati għal trattament ugwali fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

36.

Jenfasizza li għandu jitqies ix-xogħol fis-settur domestiku meta jiġu kkunsidrati l-modi ta' kif jistgħu jitjiebu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; iħeġġeġ lill-impjegaturi u dawk li jfasslu l-politika biex jiżguraw u jiffaċilitaw bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja, u biex iqisu l-għadd li dejjem qed jikber ta’ impjegati li għandhom bżonn jikkumbinaw ix-xogħol u l-kura; jenfasizza l-importanza tal-indirizzar tas-sigħat tax-xogħol eċċessivi biex jiġi żgurat bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2003/88/KE u jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-monitoraġġ tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar in-numru massimu ta’ sigħat ta’ xogħol;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu politiki xierqa biex jindirizzaw it-tixjiħ tal-forza tax-xogħol; jemmen li qafas regolatorju tal-OSH għandu jippromwovi ħajja tax-xogħol sostenibbli u tixjiħ b’saħħtu; jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu r-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-miżuri għal ħaddiema aktar avvanzati fl-età billi jimplimentaw ir-riżultati tal-proġett pilota tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema aktar avvanzati fl-età;

38.

Jenfasizza l-importanza ta’ miżuri tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol sabiex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi tan-nisa fuq il-post tax-xogħol, inkluż il-fastidju sesswali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-sħab soċjali biex jiżguraw li n-nisa u l-irġiel ikunu rappreżentati b’mod ugwali fil-proċessi kollha tad-djalogu soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis id-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala parti mir-rieżami tal-qafas strateġiku tal-OSH tal-2016; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija Ewropea biex tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa fuq il-post tax-xogħol u bħala parti minn dan il-proċess biex tevalwa jekk id-Direttiva 2006/54/KE għandhiex tiġi riveduta biex twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva sabiex tkopri forom ġodda ta’ vjolenza u fastidju; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 92/131/KEE sabiex tippromwovi l-għarfien dwar il-fastidju sesswali u forom oħra ta’ reati sesswali;

39.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għar-rwol li l-kumitati tad-djalogu soċjali settorjali jista’ jkollhom fl-indirizzar tar-riskji tal-OSH speċifiċi għas-settur u toħloq valur miżjud potenzjali permezz ta' ftehmiet bejn is-sħab soċjali bl-użu tal-aħjar għarfien tas-sitwazzjonijiet speċifiċi tas-settur tagħhom;

40.

Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiġbor data, tipprovdi riċerka u tiżviluppa metodi statistiċi speċifiċi skont is-sess u l-età li jevalwaw il-prevenzjoni bil-għan li jintlaħqu l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa, fuq il-post tax-xogħol;

41.

Jenfasizza l-importanza ta’ aktar investiment fil-politiki ta’ prevenzjoni tar-riskji kif ukoll il-promozzjoni, l-iżvilupp u l-appoġġ ta’ kultura ta’ prevenzjoni fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu s-sensibilizzazzjoni u jagħtu prominenza akbar lill-prevenzjoni u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol fil-kurrikuli tal-iskola fil-livelli kollha, inkluż matul l-apprendistati; iqis li huwa importanti li wieħed jiffoka fuq il-prevenzjoni kmieni kemm jista’ jkun fil-proċess tal-produzzjoni u li tiġi promossa l-implimentazzjoni ta’ programmi sistematiċi ta’ prevenzjoni bbażati fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju li jinkoraġġixxu l-impjegaturi u l-impjegati biex jikkontribwixxu għal ambjent tax-xogħol sikur u san; jindika li, f’ħafna Stati Membri, il-kwalità tas-servizzi preventivi hija ċentrali għall-appoġġ ta’ kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, biex titwettaq valutazzjoni tar-riskju u jittieħdu miżuri preventivi adegwati; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-kompiti u r-rekwiżiti ta’ taħriġ ta’ servizzi preventivi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-Istati Membri;

42.

Jenfasizza li n-nisa jridu jkunu inklużi fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet relatati mal-iżvilupp ta' prattiki aħjar dwar is-saħħa u s-sigurtà fl-ambjenti tax-xogħol tagħhom;

43.

Jistieden lill-Kummissjoni biex ma tħallix barra l-kwistjoni tal-iżvilupp ta' kanċers relatati max-xogħol, bħal tumuri fil-kanal nasali, li l-inċidenza tiegħu hi ogħla f'każijiet fejn is-sistemi respiratorji tal-ħaddiema mhumiex protetti biżżejjed kontra tipi ta' trab li huma relattivament komuni, bħal dawk li jkun hemm meta jiġi proċessat l-injam, il-ġilda, id-dqiq, it-tessili, in-nikil u materjali oħra;

44.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżguraw opportunitajiet indaqs fl-eżerċizzju tad-drittijiet tax-xogħol u ta' aċċess ugwali għas-servizzi tal-kura tas-saħħa għaċ-ċittadini kollha, speċjalment għan-nisa f'żoni rurali u gruppi oħra ta' ċittadini vulnerabbli;

Data statistika

45.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-ġbir ta’ data affidabbli u komparabbli dwar mard ikkaġunat mix-xogħol, esponimenti u perikli fis-setturi kollha, inkluż is-settur pubbliku, bil-għan li jidentifikaw l-aħjar prattiki, jippromwovu t-tagħlim komparattiv u joħolqu bażi tad-data komuni dwar l-esponimenti fuq il-post tax-xogħol, mingħajr ma jwasslu għal spejjeż sproporzjonati; jenfasizza l-importanza li jiġu involuti esperti nazzjonali u li l-bażi tad-data tinżamm aġġornata; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiġbru aktar data dwar ir-riskji assoċjati mad-diġitalizzazzjoni, ix-xogħol relatat mas-sigurtà fit-toroq u l-effetti li l-kriżi setgħet kellha fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġbru data statistika ta’ kwalità għolja speċifika għas-sess u l-età b’rabta ma’ mard relatat max-xogħol sabiex itejbu u jadattaw kontinwament, fejn meħtieġ, il-qafas leġiżlattiv, skont ir-riskji ġodda u emerġenti;

47.

Jistieden lill-Istati Membri biex iwettqu studji, maqsumin skont il-ġeneru, l-età u l-qasam tal-attività ekonomika, dwar l-inċidenza ta’ mard muskoloskeletali fost il-popolazzjoni attiva fil-livell nazzjonali, bil-ħsieb li jiġi evitat li jitfaċċa dan il-mard u li jingħeleb;

48.

Jenfasizza l-importanza tal-aġġornament u l-provvediment ta' indikaturi tas-saħħa komuni u definizzjonijiet ta’ mard relatat max-xogħol, inkluż l-istress fuq il-post tax-xogħol, u d-data statistika għall-UE kollha bil-ħsieb li jiġu stabbiliti miri biex titnaqqas l-inċidenza ta’ mard relatat max-xogħol;

49.

Jissottolinja l-problemi li jeżistu f'diversi Stati Membri biex tinġabar id-data; jitlob sabiex il-ħidma ta’ EU-OSHA u Eurofound tissaħħaħ; Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol jiġu rrappurtati mill-impjegaturi;

Sforzi internazzjonali

50.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-ftehimiet tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi jtejbu l-ambjent tax-xogħol sabiex iħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;

51.

Jenfasizza li l-UE għandha interess u obbligu li tgħolli l-istandards tax-xogħol, inklużi livelli ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol madwar id-dinja;

52.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kooperazzjoni dwar l-OSH ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-ILO, l-OECD, il-G20 u d-WHO;

53.

Jiddeplora l-fatt li mhux l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 187 dwar il-Qafas Promozzjonali għas-Sikurezza u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol; jistieden lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw il-konvenzjoni;

o

o o

54.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 70.

(2)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.

(3)  ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.

(4)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(5)  ĠU L 165, 27.6.2007, p. 21.

(6)  ĠU C 77 E, 28.3.2002, p. 138.

(7)  ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 400.

(8)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 754.

(9)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.

(10)  ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 14.

(11)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.

(12)  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 102.

(13)  Testi adottati, P7_TA(2013)0093.

(14)  Testi adottati, P7_TA(2014)0012.

(15)  Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 31(1): Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

(16)  Second European Survey of Enterprises on New and Emerging Risks (ESENER-2), EU-OSHA (2015)

(17)  Eurofound: “Working conditions of an ageing workforce” Eurofound (2008).

(18)  Dikjarazzjoni mid-Direttur tal-EU-OSHA, 18.11.2014.

(19)  Report on Employment opportunities for people with chronic diseases, Eurofound (2014).

(20)  Evalwazzjoni tal-istrateġija Ewropea dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol 2007-2012, KE (2013) u Spejjeż soċjoekonomiċi ta’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard relatat max-xogħol, KE (2012).

(21)  Berechnung des internationalen “Return on Prevention” für Unternehmen: Kosten und. Nutzen von Investitionen in den betrieblichen Arbeits- und Gesundheitsschutz, DGUV (2013).

(22)  5th Working Conditions Survey, Overview Report, Eurofound (2012).

(23)  Second European Survey of Enterprises on New and Emerging Risks (ESENER-2), EU-OSHA (2015)

(24)  Second European Survey of Enterprises on New and Emerging Risks (ESENER-2), EU-OSHA (2015)

(25)  Worker representation and consultation on health and safety, EU-OSHA (2012)

(26)  Flexible forms of work: “very atypical” contractual arrangements, Eurofound (2010) and Health and well-being at work: A report based on the fifth European Working Conditions Survey, Eurofound (2012).

(27)  5th Working Conditions Survey, Overview Report, Eurofound (2012) and Third European Company Survey, Eurofound (2015).

(28)  Rapport dwar is-sitwazzjoni attwali rigward sistemi ta’ mard okkupazzjonali fl-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, KE (2013).

(29)  EU-OSHA, 2013, New risks and trends in the safety and health of women at work.

(30)  Ir-riskji tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema l-aktar vulnerabbli, Dipartiment Tematiku A tal-PE, Politika Ekonomika u Xjentifika, 2011, p. 40

(31)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 82.

(32)  Testi adottati, P7_TA(2013)0093.

(33)  The Cost of Inaction, Nordon (2014) and Rapport sur les perturbateurs endocriniens, le temps de la précaution, Gilbert Barbier (2011).


Il-Ħamis 26 ta’ Novembru 2015

27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/129


P8_TA(2015)0412

L-Afganistan, b'mod partikolari l-każijiet ta' qtil fil-provinċja ta' Zabul

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-każijiet ta' qtil fil-provinċja ta' Zabul (2015/2968(RSP))

(2017/C 366/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fl-Afganistan u fil-Pakistan (1), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar in-negozjati għal ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar sħubija u żvilupp (2),

wara li kkunsidra l-Istrateġija Lokali tal-UE għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Afganistan fl-2014,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2210 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tal-20 ta' Lulju 2015,

wara li kkunsidra l-Konferenza dwar l-Implimentazzjoni u s-Sostenn tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali (UNSCR 1325) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà fl-20 ta' Settembru 2015,

wara li kkunsidra r-rapport ta' nofs is-sena tal-UNAMA OHCHR ta' Awwissu 2015 dwar il-Protezzjoni tal-Persuni Ċivili fil-Kunflitt Armat fl-Afganistan għall-2015,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tas-26 ta' Ottubru 2015,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Novembru 2015 mill-missjoni tan-NU li tikkundanna “l-qtil bla sens” ta' seba' ostaġġi ċivili f'Zabul,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi qed jikber it-tħassib dwar il-persekuzzjoni etnika u settarja fl-Afganistan, minħabba li l-inċidenti ta' ħtif u attakki li ilhom iseħħu għal xhur sħaħ huma mmirati fuq il-Hazara, grupp etniku li jitqies bħala t-tielet l-akbar fil-pajjiż, u l-uniku wieħed li huwa kompost b'mod predominanti minn Xiiti;

B.

billi seba' persuni ċivili nħatfu f'Ottubru 2015 u ġew ġustizzjati bejn is-6 u t-8 ta' Novembru 2015 fid-distrett ta' Arghandab, u billi ġie rrappurtat li hemmhekk seħħew skontri armati bejn żewġ gruppi rivali ta' persuni li huma kontra l-gvern;

C.

billi x-Xiiti tal-komunità Hazara huma fost il-minoranzi etniċi rikonoxxuti mill-Kostituzzjoni l-ġdida tal-Afganistan;

D.

billi, fil-21 ta' Novembru 2015, sa 30 persuna Hazara ġew attakkati bl-armi tan-nar waqt li kienu qed jivvjaġġaw fi grupp f'awtostrada fin-Nofsinhar; billi tal-anqas ħames persuni Hazara oħra li kienu rekbin fuq karozz tal-linja sejra lejn Kabul ġew salvati minn vjaġġaturi oħra li għenuhom jaħbu min kienu wara li militanti waqqfu l-kowċ fi triqtha;

E.

billi l-każijiet ta' qtil f'Zabul jissottolinjaw il-perikli partikolari li l-Hazara qed jiffaċċjaw; billi passiġġieri Hazara rekbin fuq karozzi tal-linja sfaw separati mill-passiġġieri l-oħra, maħtufa, u f'xi każijiet, maqtula f'għadd ta' inċidenti tul dawn l-aħħar sentejn;

F.

billi l-każijiet ta' qtil jenfasizzaw it-theddida terroristika kontinwa li t-Taliban u l-gruppi sussidjarji tagħhom, li wħud minnhom, skont rapporti, wegħdu l-lealtà tagħhom lid-Da'esh/ISIL;

G.

billi l-Unjoni Ewropea ilha sa mill-2002 tappoġġja r-rikostruzzjoni u l-iżvilupp tal-Afganistan u hija impenjata favur Afganistan paċifiku, stabbli u sigur;

H.

billi l-missjoni EUPOL, imnedija fl-2007 biex tappoġġja t-taħriġ tal-forzi tal-pulizija Afgani, tgħin biex tiġi stabbilita sistema penali/ġudizzjarja taħt amministrazzjoni Afgana; billi l-Kunsill f'Diċembru 2014 iddeċieda li jestendi l-missjoni sal-31 ta' Diċembru 2016;

I.

billi l-missjoni tal-Forza Internazzjonali ta' Assistenza tas-Sigurtà (ISAF) ġiet ikkompletata fi tmiem l-2014; billi l-missjoni l-ġdida “Resolute Support Mission” (Missjoni ta' Appoġġ Deċiż) tnediet f'Jannar 2015 bil-għan li tagħti aktar taħriġ, pariri u assistenza lill-forzi tas-sigurtà u lill-istituzzjonijiet Afgani;

J.

billi l-qtil ta' persuni ċivili, kif ukoll il-ħtif ta' ostaġġi ċivili, huma vjolazzjonijet tad-dritt umanitarju internazzjonali, li l-partijiet kollha fil-kunflitti armati – inklużi l-elementi kollha kontra l-gvern – għandhom l-obbligu li jirrispettawh;

K.

billi s-sigurtà fl-Afganistan kollu kemm hu għadha tikkawża tħassib serju minħabba l-attivitajiet terroristiċi tat-Taliban;

L.

billi għadhom iseħħu danni kollaterali li jwasslu għal għadd drammatiku ta' mwiet u ferimenti ta' persuni ċivili innoċenti, ta' membri tal-persunal umanitarju u saħansitra ta' suldati li jkunu qed iwettqu missjonijiet taż-żamma tal-paċi;

M.

billi s-sejħa li għamel dan l-aħħar il-mexxej ta' al-Qaeda, al- Zawahiri, biex il-ġellieda tal-ISIL jagħmlu gwerra kontra l-koalizzjoni internazzjonali hija theddida oħra kontra l-forzi tan-NATO li jinsabu fl-Afganistan, u kontra s-sigurtà tal-pajjiż;

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-qtil u d-dekapitazzjoni barbara ta' seba' persuni Hazara (żewġ nisa, erba' rġiel u tifla żgħira) fil-provinċja ta' Zabul, li tinsab fix-Xlokk tal-Afganistan fuq il-fruntiera mal-Pakistan;

2.

Jikkundanna l-attakki mit-Taliban, minn al-Qaeda, mill-ISIL u minn gruppi terroristiċi oħra fuq persuni ċivili Afgani, fuq il-Forzi Nazzjonali Afgani ta' Difiża u ta' Sigurtà, fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi u fuq is-soċjetà ċivili, attakki li qed jikkawżaw għadd rekord ta' mwiet u ferimenti; jenfasizza li l-protezzjoni tal-komunità Hazara, bħala grupp partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza terroristika tat-Taliban u ta' Da'esh/ISIL, għandha tkun prijorità għall-Gvern Afgan;

3.

Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji milquta, partikolarment lil dawk tal-vittmi reċenti tal-każijijet terribbli ta' qtil fil-komunità Hazara;

4.

Jitlob li l-awtoritajiet Afgani jingħataw appoġġ ħalli jkunu jistgħu jieħdu azzjoni rapida u xierqa bil-għan li jiżguraw li l-qattiela ta' persuni ċivili innoċenti jinġiebu quddiem il-ġustizzja, u jerġgħu jaffermaw l-istat tad-dritt fil-pajjiż;

5.

Jistieden lill-awtoritajiet Afgani jiżguraw li l-membri tal-forzi tas-sigurtà li jkunu implikati f'każijiiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li għandhom responsabbiltà ta' kmand fuq forzi li jwettqu abbużi, jiġu investigati b'mod kredibbli u imparzjali, u jiġu dixxiplinati jew jittellgħu quddiem il-qrati, skont ma jkun f'loku;

6.

Jemmen li l-każijiet ta' qtil ta' ostaġġi ċivili, inklużi n-nisa u t-tfal, iridu jiġu ttrattati bħala delitti tal-gwerra; jenfasizza li l-qtil ta' persuni ċivili innoċenti huwa projbit mid-Dritt Umanitarju Internazzjonali; itenni li dan id-Dritt irid jiġi rrispettat mill-partijiet kollha fil-kunflitt, inklużi l-gruppi sekondarji;

7.

Jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward is-sitwazzjoni gravi tas-sigurtà, iż-żieda kostanti tal-vjolenza, l-atti terroristiċi li qed iwasslu għal qabża fl-għadd ta' vittmi u t-theddidet kostanti kontra popolazzjoni li qed tinġiegħel tgħix fi klima ta' tkattir tal-biża' u tal-intimidazzjoni;

8.

Iqis li s-sigurtà nazzjonali hija bażi essenzjali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku, għall-istabbiltà politika u għall-ġejjieni tal-Afganistan;

9.

Jistieden lill-Gvern tal-Afganistan jintensifika l-kooperazzjoni mal-Gvern tal-Pakistan; jenfasizza li kollaborazzjoni aktar stretta fuq kwistjonijiet ta' sigurtà u governanza tkun ta' vantaġġ reċiproku, u tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-paċi u tal-istabbiltà fir-reġjun;

10.

Jitlob li l-Istati Membri u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jibqgħu involuti bis-sħiħ, u jappoġġjaw lill-Gvern Afgan fil-ġlieda kontra r-ribelli;

11.

Iġedded l-impenn tiegħu favur kull sforz intiż biex jeħles lill-Afganistan mit-terroriżmu u mill-estremiżmu, u jemmen li dawn l-isforzi huma ta' importanza vitali għas-sigurtà reġjonali u dinjija, biex jinbena pajjiż inklussiv, stabbli, demokratiku u aktar ta' risq;

12.

Jibqa' kommess li jappoġġja lill-Gvern Afgan fl-isforzi tiegħu biex iwettaq riformi ewlenin, itejjeb aktar il-governanza u l-istat tad-dritt, jippromwovi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom id-drittijiet tan-nisa, jikkumbatti l-korruzzjoni, irażżan in-narkotiċi, itejjeb is-sostenibbiltà fiskali u jrawwem tkabbir ekonomiku inklussiv; jieħu nota tal-intenzjoni tal-President Ashraf Ghani li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jagħmilha waħda mill-prijoritajiet tiegħu;

13.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-gvern Afgan u għall-poplu tiegħu f'din il-fażi kritika; jiġbed l-attenzjoni lejn l-għadd ta' vittmi fost il-Forzi Afgani ta' Difiża u ta' Sigurtà mindu spiċċat il-missjoni tal-ISAF fi tmiem fl-2014; jinkoraġġixxi lill-Gvern ikompli l-isforzi biex ikattar l-effiċjenza u l-effikaċja operazzjonali tal-forzi ta' difiża u ta' sigurtà, bil-għan li l-popolazzjoni ġenerali tgawdi s-sigurtà u l-istabbiltà;

14.

Għad għandu tħassib profond quddiem id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fl-Afganistan, u b'mod partikolari l-implikazzjonijiet li dan jista' jkollu għad-drittijiet tan-nisa, għall-minoranzi reliġjużi u etniċi, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-ġurnalisti;

15.

Ifakkar li l-Liġi tal-2009 dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza Fuq in-Nisa kienet pass importanti ferm, u jitlob li l-awtoritajiet jikkonċentraw aktar attenzjoni u fondi fuq il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jiġu mhedda jew attakkati;

16.

Jitlob li l-Gvern tal-Afganistan jadotta pjan ta' implimentazzjoni għall-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali 1325, li jinkludi rekwiżit li n-nisa jkunu parteċipanti sħaħ f'kull stadju tan-negozjati tal-paċi;

17.

Ifakkar fl-impenn li l-Gvern Afgan għamel lill-komunità internazzjonali f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-minoranzi etniċi, lingwistiċ, reliġjużi jew ta' tip ieħor, u l-protezzjoni ta' dawn il-minoranzi;

18.

Jikkundanna bil-qawwa l-attakki reċenti tat-Taliban f'Kunduz, u l-imwiet u l-ferimenti li kkawżaw fost il-popolazzjoni ċivili u fost il-Forzi Nazzjonali Afgani ta' Difiża u ta' Sigurtà; jappoġġja investigazzjoni indipendenti dwar l-attakk fuq l-isptar tal-Médecins Sans Frontières f'Kunduz, u jitlob li n-newtralità tal-isptarijiet u tal-faċilitajiet mediċi tiġi rrispettata;

19.

Itenni li hija ħaġa mill-aktar urġenti li l-Gvern tal-Afganistan u s-sħab kollha fir-reġjun jinvolvu ruħhom b'mod kredibbli biex itemmu l-kunflitt u jiżguraw ambjent stabbli; itenni li proċess tal-paċi mmexxi mill-Afgani u ta' sjieda tagħhom għadu prerekwiżit għal kwalunkwe soluzzjoni sostenibbli u dejjiema;

20.

Jilqa' d-deċiżjoni li fl-2016 titlaqqa' fi Brussell Konferenza Ministerjali komprensiva dwar l-Afganistan bħala turija tal-impenn kontinwu tal-komunità internazzjonali favur l-istabbilizzazzjoni u l-iżvilupp tal-pajjiż; jistenna li l-Konferenza tistabbilixxi l-qafas għall-Gvern tal-Afganistan u għad-donaturi sal-2020, mirfud minn impenji konkreti sew mill-Gvern tal-Afganistan kif ukoll mill-komunità internazzjonali;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan.


(1)  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 119.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2013)0282.


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/132


P8_TA(2015)0413

Il-Kambodja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja (2015/2969(RSP))

(2017/C 366/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Kambodja',

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni attribwibbli għall-kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Kambodja, tas-17 ta' Novembru 2015,

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa maħruġa fit-30 ta' Ottubru 2015 mill-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Ravina Shamdasani',

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rapporteur Speċjali tan-NU, il-Professur Rhona Smith, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, tat-23 ta' Novembru 2015 u tal-24 ta' Settembru 2015,

wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, tal-20 ta' Awwissu 2015,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-Kambodja, tat-2 ta' Ottubru 2015,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa fil-15 ta' Lulju 2015 mill-kelliem tas-SEAE dwar il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-NGOs fil-Kambodja',

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa fit-22 ta' Ġunju 2015 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni,

wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet ta' konklużjoni tas-27 ta' April 2015 mill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar it-tieni rapport perjodiku tal-Kambodja',

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja,

wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Kostituzzjoni tal-Kambodja, li jiggarantixxi d-dritt għal-libertà ta' għaqda u l-libertà ta' parteċipazzjoni attiva fil-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali tan-nazzjon,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċeura tiegħu,

A.

billi, fit-13 ta' Novembru 2015, l-awtoritajiet tal-Kambodja ħarġu mandat għall-arrest ta' Sam Rainsy, il-mexxej tal-grupp ewlieni tal-oppożizzjoni, il-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP), li attwalment jinsab barra mill-pajjiż, u billi fis-16 ta' Novembru 2015 l-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja rtirat is-sħubija tiegħu, neħħietlu l-immunità parlamentari bil-possibbiltà li jiġi arrestat meta jirritorna lejn il-pajjiż, b'konnessjoni ma' każ ta' malafama li ilu għaddej seba' snin;

B.

billi, fl-20 ta' Novembru 2015, Sam Rainsy ġie mħarrek minn qorti biex ikun interrogat fl-4 ta' Diċembru 2015 fir-rigward ta' entrata ppubblikata fuq il-Facebook pubbliku tiegħu minn Senatur tal-oppożizzjoni, Hong Sok Hour, li ilu taħt arrest sa minn Awwissu 2015 fuq akkużi ta' falsifikazzjoni u inċitament wara li inserixxa fuq il-Facebook ta' Sam Rainsy filmat li fih dokument allegatament falz relatat mat-trattat tal-fruntiera mal-Vjetnam tal-1979;

C.

billi, fis-26 ta' Ottubru 2015, grupp ta' dimostranti favur il-gvern fi Phnom Penh attakkaw brutalment żewġ MP tal-oppożizzjoni (CNRP), Nhay Chyamrouen u Kong Sakphea, u heddew is-sigurtà tar-residenza privata tal-ewwel Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali; billi rapporti ssuġġerew li l-pulizija u forzi tas-sigurtà oħra ma intervenewx waqt li kienu qed iseħħu l-attakki;

D.

billi, fit-30 ta' Ottubru 2015, id-deputat mexxej tal-partit tal-oppożizzjoni Kem Sokha tneħħa mill-pożizzjoni tiegħu bħala l-ewwel Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali mill-Partit tal-Poplu tal-Kambodja (CPP) li jinsab fil-gvern matul sessjoni bbojkottjata mis-CNRP; billi l-għoti tal-kariga ta' Viċi President lis-CNRP kienet waħda mill-konċessjonijiet ewlenin li l-partit CPP fil-gvern ta lis-CNRP f'Lulju 2014 biex jintemm il-bojkott ta' sena tal-Parlament wara l-elezzjonijiet tal-2013;

E.

billi l-Prim Ministru Hun Sen ilu fil-poter għal aktar minn 30 sena filwaqt li l-forzi tas-sigurtà tiegħu qed igawdu minn impunità għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem;

F.

billi 11-il attivist tal-oppożizzjoni kienu qed jiskontaw sentenzi ta' ħabs ta' bejn seba' snin u 20 sena għal parteċipazzjoni f'“rewwixta” jew fit-tmexxija tagħha;

G.

billi ż-żewġ partiti politiċi, is-CPP u s-CNRP, kienu laħqu ftehim politiku fl-2014 li kien qajjem it-tama għall-bidu ta' fażi ġdida li fiha d-differenzi politiċi jissolvew b'mod kostruttiv; billi, minkejja l-ftehim, l-ambjent politiku fil-Kambodja għadu wieħed ta' tensjoni;

H.

billi d-dritt tal-libertà tal-espressjoni huwa minqux fl-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni tal-Kambodja, u d-dritt ta' parteċipazzjoni politika fl-Artikolu 35 tagħha;

I.

billi, minkejja kritika mifruxa mis-soċjetà ċivili u l-komunità internazzjonali, il-promulgazzjoni riċenti tal-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-NGOs (LANGO) tat setgħat arbitrarji lill-awtoritajiet tal-Istat biex jagħlqu u jibblokkaw il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u diġà bdew jiskoraġġixxu l-ħidma tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja u jostakolaw is-soċjetà ċivili;

J.

billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni ddikkjara li s-soċjetà ċivili fil-Kambodja ġiet eskluża mill-proċess ta' tfassil tal-LANGO;

K.

billi l-Gvern tal-Kambodja approva l-abbozz ta' Liġi dwar it-Trade Unions fit-13 ta' Novembru 2015;

L.

billi l-UE hija l-ikbar sieħba tal-Kambodja f'termini ta' assistenza għall-iżvilupp, b'allokazzjoni ġdida għall-perjodu 2014-2020 ta' EUR 410 miljun; billi l-UE tappoġġa firxa wiesgħa ta' inizjattivi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) tal-Kambodja u minn organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili; billi l-Kambodja hija ferm dipendenti fuq l-għajnuna għall-iżvilupp;

1.

Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-klima li qed teħżien dejjem aktar għall-politiċi u l-attivisti tal-oppożizzjoni u għall-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, għall-attivisti soċjali u għal dawk ambjentali fil-Kambodja u jikkundanna l-atti kollha ta' vjolenza u l-akkużi politikament motivati, il-kundanni u s-sentenzi kontra l-politiċi tal-oppożizzjoni, u kontra l-attivisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja;

2.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kambodja jirrevokaw il-mandat ta' arrest u jwaqqgħu l-akkużi kollha maħruġa kontra l-mexxej tal-oppożizzjoni Sam Rainsy u l-membri tas-CNRP tal-Assemblea Nazzjonali u tas-Senat, inkluż is-Senatur Hong Sok Hour u l-attivisti u l-organizzaturi tas-CNRP, iħallu lil dawn jaħdmu b'mod ħieles mingħajr biża' ta' arrest jew persekuzzjoni, u jtemmu l-użu politiku tal-qrati biex jipproċessaw persuni fuq akkużi motivati politkament u akkużi foloz;

3.

Jistieden lill-Assemblea Nazzjonali biex immedjatament terġa' tagħti lura d-drittijiet lil Sam Rainsy u biex tagħtih lura l-immunità parlamentari;

4.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja jirrikonoxxi l-irwol leġittimu u utli li għandhom is-soċjetà ċivili, it-trade unions u l-oppożizzjoni politika biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u politiku globali tal-Kambodja;

5.

Iħeġġeġ lill-Gvern jaħdem biex isaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż li jikkonforma bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar il-pluraliżmu u l-libertà ta' għaqda u ta' espressjoni;

6.

Ifakkar li ambjent ta' djalogu demokratiku ħieles mit-theddid huwa essenzjali għall-istabbiltà politika, għad-demokrazija u għal soċjetà paċifika fil-pajjiż, u jħeġġeġ lill-gvern jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura s-sigurtà tar-rappreżentanti kollha eletti demokratikament fil-Kambodja, irrispettivament mill-affiljazzjoni politika tagħhom;

7.

Jinnota li “l-kultura ta' djalogu” bejn il-mexxejja tas-CPP u s-CNRP ġabet tama li d-demokrazija fil-Kambodja kienet qabdet rotta pożittiva; jistieden lill-Gvern tal-Kambodja u l-oppożizzjoni jimpenjaw ruħhom fi djalogu serju u sinifikattiv;

8.

Jistieden lill-gvern jiżgura investigazzjoni sħiħa u imparzjali bil-parteċipazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li twassal għall-prosekuzzjoni ta' dawk kollha responsabbli għall-aħħar attakk brutali reċenti fuq iż-żewġ membri tas-CNRP tal-Assemblea Nazzjonali minn membri tal-forzi armati u għall-użu ta' forza eċċessiva militari u tal-pulizija biex irażżnu dimostrazzjonijiet, strajks, u inkwiet soċjali;

9.

Iħeġġeġ lill-Gvern jirrevoka l-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi, il-promulgazzjoni reċenti li tat lill-awtoritajiet tal-istat setgħat arbitrarji li jagħlqu u jibblokkaw il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u li diġà bdew jiskoraġġixxu l-ħidma tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja;

10.

Iħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament jiżguraw konsultazzjoni ġenwina u serja ma' dawk kollha affettwati mill-abbozz ta' leġiżlazzjoni bħal Liġijiet dwar it-Trade Union, iċ-Ċiberkriminalità, u t-Telekomunikazzjonijiet u jiżguraw li t-testi jkunu konformi mal-obbligi u l-impenji tad-drittijiet tal-bniedem tal-Kambodja skont id-dritt nazzjonali u dak internazzjonali;

11.

Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja itemm l-arresti arbitrarji u l-atti suspettużi ta' għajbien u jħalli li organizzazzjonijiet volontarji u tad-drittijiet tal-bniedem joperaw liberament; jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jinvestiga bis-serjetà l-għajbien ta' Khem Sapath;

12.

Jistieden lill-awtoritajiet governattivi relevanti jwaqqgħu l-prosekuzzjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem skont liġijiet oħrajn fis-seħħ li qed jintużaw biex dawn jiġu ppersegwitati minħabba l-ħidma tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem, u jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk kollha miżmuma l-ħabs fuq akkużi politikament motivati u akkużi foloz;

13.

Jistieden lill-Istati Membri tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni Ewropea, f'konformità mal-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, biex iqajmu immedjatament mal-awtoritajiet tal-Kambodja l-preokkupazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarjat tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Renju tal-Kambodja.


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/135


P8_TA(2015)0414

Il-libertà ta’ espressjoni fil-Bangladesh

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar il-libertà ta’ espressjoni fil-Bangladesh (2015/2970(RSP))

(2017/C 366/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladesh, b'mod partikolari dawk tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-Bangladesh: id-drittijiet tal-bniedem u l-elezzjonijiet li jmiss (1), tat-18 ta' Settembru 2014 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh (2) u tas-16 ta' Jannar 2014 dwar l-elezzjonijiet reċenti fil-Bangladesh (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE (4) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja (5),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladesh dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp tal-2001,

wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-1 ta' April 2015 u tad-9 ta' Awwissu 2015 magħmula mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-qtil ta' bloggers fil-Bangladesh,

wara li kkunsidra l-istqarrija tas-7 ta' Awwissu 2015 magħmula minn esperti tan-NU li jikkundannaw il-qtil tal-blogger Niloy Neel,

wara li kkunsidra l-istqarrija tal-5 ta' Novembru 2015 magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, li jappella li l-istat joffri protezzjoni aħjar lill-kittieba, lill-pubblikaturi u lil persuni oħra li huma mhedda mill-estremisti fil-Bangladesh,

wara li kkunsidra l-istqarrija tal-11 ta' Frar 2015 magħmula mid-Delegazzjoni tal-UE għall-Bangladesh,

wara li kkunsidra l-istqarrija tat-9 ta' April 2015 magħmula mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-eżekuzzjoni imminenti tas-Sur Muhammad Kamaruzzaman fil-Bangladesh,

wara li kkunsidra l-istqarrija tad-29 ta' Ottubru 2014 magħmula mid-Delegazzjoni tal-UE għall-Bangladesh dwar il-piena kapitali fil-pajjiż,

wara li kkunsidra r-riżultati preliminari tad-9 ta' Settembru 2015 taż-żjara lill-pajjiż li saret fil-Bangladesh mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-20 ta' Lulju 2015,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li tiegħu l-Bangladesh huwa parti, b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline tat-12 ta' Mejju 2014,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin tal-24 ta' Ġunju 2013,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà ta’ espressjoni – inkluża l-libertà tal-istampa u tal-midja – hija pilastru indispensabbli ta' soċjetà demokratika, pluralistika u miftuħa;

B.

billi l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin jikkostitwixxu waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE, inkluża l-approvazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u ta' protezzjoni ugwali għall-persuni li jħaddnu twemmin nonteista jew ateista;

C.

billi l-Bangladesh għamel progress sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, b'mod partikolari lejn l-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; billi mal-Bangladesh l-UE għandha relazzjonijiet tajba u li jmorru lura ħafna fiż-żmien, inkluż permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp;

D.

billi fil-Kostituzzjoni tal-Bangladesh, adottata fl-2014, hemm minquxa l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà ta’ espressjoni;

E.

billi l-ksur tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem – inklużi l-vjolenza, it-tixwix, id-diskors ta' mibegħda, il-fastidju, l-intimidazzjoni u ċ-ċensura kontra l-ġurnalisti u l-bloggers – għadhom qed ikunu mifruxa ħafna fil-Bangladesh; billi l-Bangladesh huwa kklassifikat il-146 pajjiż fost 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa;

F.

billi t-tensjonijiet bejn il-forzi sekulari u dawk reliġjużi żdiedu u żdiedet il-vjolenza kontra dawk li ma jaqblux; billi għal snin sħaħ gruppi estremisti Iżlamisti domestiċi fundamentalisti – b'mod partikolari l-Ansarullah Bangla Team – ippubblikaw “hit list” ta' persuni mitqiesa kritiċi tal-Iżlam, inkluża r-rebbieħa tal-Premju Sakharov Taslima Nasreen, u talbu għall-eżekuzzjoni tal-bloggers u tal-kittieba sekulari, filwaqt li wettqu qtil brutali b'impunità relattiva;

G.

billi fil-31 ta' Ottubru 2015 Faisal Arefin Dipan, pubblikatur fid-dar editriċi Jagriti Prokashoni, inqatel brutalment b'maxetti ġewwa l-uffiċċju tiegħu f'Dhaka; billi fl-istess jum pubblikatur ieħor u żewġ kittieba ġew attakkati u midruba, u billi oħrajn għadhom qed jiffaċċjaw theddid;

H.

billi tal-inqas ħames bloggers u ġurnalisti sekulari nqatlu fil-pajjiż din is-sena (Niladri Chatterjee, alias Niloy Neel, Faisal Arefin Dipan, Ananta Bijoy Das, Washiqur Rahman Babu and Abhijit Roy) talli utilizzaw id-dritt fundamentali tagħhom għal-libertà tal-kelma dwar kwistjonijiet politiċi, soċjali u reliġjużi; billi l-gruppi estremisti Iżlamisti ddikjaraw ir-responsabbiltà għal għadd ta' każi ta' qtil;

I.

billi l-blogger prominenti Ahmed Rajib Haider inqatel fl-2013, u l-għalliem tal-università A.K.M. Shafiul Islam inqatel fl-2014; billi ħafna bloggers oħra rċevew theddid ta' mewt fuq il-midja soċjali – ġew ippubblikati “hit lists” fuq Facebook li kienu mmirati għal kittieba sekulari – jew irnexxielhom jeħilsuha minn attentati ta' assassinju, u għadd minnhom waqfu jiktbu jew ħarbu mill-pajjiż;

J.

billi l-Prim Ministru Sheikh Hasina kkundannat il-qtil u esprimiet l-impenn tal-gvern tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti; billi hija ħabbret “politika ta' tolleranza żero” fil-konfront ta' kwalunkwe vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mill-aġenziji tal-infurzar u billi adottat Att ta' Riforma tal-Pulizija li jiddisponi għal kodiċi ta' kondotta; billi, minkejja dan, hija appoġġat ukoll l-arrest mill-gvern tagħha ta' bloggers sekulari u l-istabbiliment ta' bord ta' intelliġence biex jiskenja l-midja soċjali għal kontenut potenzjalment blasfemiku;

K.

billi f'Awwissu 2014 il-Gvern tal-Bangladesh introduċa politika tal-midja ġdida li tkompli tqajjem tħassib dwar il-libertà ta' espressjoni; billi partijiet minn din il-politika jimponu limiti fuq il-libertà tal-midja, pereżempju fil-każ tal-projbizzjoni ta' kliem li huma “antistatali”, “jirridikolaw l-ideoloġija nazzjonali” jew “huma inkonsistenti mal-kultura tal-Bangladesh” u l-każ tar-restrizzjoni tar-rappurtar ta' “anarkija, ribelljoni jew vjolenza”; billi l-Gvern tal-Bangladesh intensifika t-trażżin fuq il-midja soċjali bl-għeluq temporanju jew sħiħ tal-internet kollu, Facebook, WhatsApp, Viber u Messenger;

L.

billi f'dawn l-aħħar xhur diversi ġurnalisti ġew arrestati u akkużati li kisru l-Att dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (l-Att dwar l-ICT), li jikkriminalizza pubblikazzjonijiet diffamatorji u “antistatali”;

M.

billi l-fastidju żdied b'mod allarmanti mill-introduzzjoni mhux iġġustifikata tal-liġijiet fl-2014; billi 13-il persuna li jadħmu fis-settur tal-midja ffaċċjaw proċedimenti ta' disprezz, li kkontribwixxa għal ambjent ġenerali ta' biża' u ta' intimidazzjoni u li wassal għall-awtoċensura;

N.

billi fis-16 ta' Awwissu 2015, Probir Sikdar, ġurnalist u sid il-gazzetta elettronika Uttaradhikar Ekattor News, ġie arrestat talli allegatament wettaq diffammazzjoni fir-rigward ta' Ministru tal-Gvern fuq Facebook; billi fit-18 ta' Awwissu 2015, Shaukat Mahmud, President tal-Unjoni Federali tal-Ġurnalisti tal-Bangladesh, ġie arrestat talli allegatament wettaq attakk bi ħruq volontarju fuq karozza tal-linja fit-23 ta' Jannar 2015 u akkużat fi tliet każijiet b'konnessjoni mal-allegat attakk;

O.

billi xi membri tal-partiti tal-oppożizzjoni għebu taħt ċirkostanzi mhux ċari matul l-aħħar snin;

P.

billi l-UE hija kontra l-użu tal-piena kapitali fil-każijiet kollha u taħt iċ-ċirkostanzi kollha, u b'mod konsistenti appellat għall-abolizzjoni universali tagħha;

Q.

billi fil-21 ta' Novembru 2015, żewġ mexxejja anzjani Bangladeshi tal-oppożizzjoni ġew iġġustizzjati għal delitti tal-gwerra mwettqa matul il-gwerra tal-indipendenza tal-1971 mal-Pakistan wara li t-talbiet finali tagħhom għall-klemenza ġew miċħuda;

R.

billi fit-18 ta' Novembru 2015, Piero Arolari, qassis Taljan u tabib mediku, sparaw għalih, filwaqt li fit-28 ta' Settembru 2015, Cesare Tavella, ħaddiem umanitarju Taljan u fit-3 ta' Ottubru 2015, Hoshi Kunio, assistent soċjali Ġappuniż, ġew maqtula u l-militanti tal-Istat Iżlamiku ħadu r-responsabbiltà ta' dawn l-atti, l-istess kif għamlu għall-attakki bil-bombi waqt il-purċissjoni tal-Ashura fis-santwarju Musulman ewlieni tax-Xiiti f'Dhaka fl-24 ta' Ottubru 2015, fejn inqatel tifel adoloxxenti u sfaw midruba diversi oħrajn;

S.

billi l-gvern ippropona l-abbozz ta' Att dwar ir-Regolamentazzjoni tad-Donazzjonijiet minn Barra (Attivitajiet Volontarji), imfassal biex jirregola l-operazzjonijiet u l-iffinanzjar għal kwalunkwe grupp li jirċievi għotjiet barranin;

1.

Jikkundanna l-attakki li qed dejjem jiżdiedu ta' estremisti Iżlamisti kontra l-kittieba u l-bloggers sekularisti, il-minoranzi reliġjużi u l-ħaddiema umanitarji barranin; jiddeplora t-telf tal-ħajja u joffri l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-vittmi u lill-familji tagħhom;

2.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jikkundannaw ulterjorment l-atti orribbli li għaddejjin kontra l-libertà ta' espressjoni u jieħdu azzjoni biex jiżguraw il-waqfien immedjat tal-atti kollha ta' vjolenza, fastidju, intimidazzjoni u ċensura kontra l-ġurnalisti, il-bloggers u s-soċjetà ċivili;

3.

Jesprimi t-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar il-klima li qed tmur għall-agħar, rigward id-dritt għal-libertà ta' espressjoni li akkumpanjat iż-żieda tal-fundamentaliżmu reliġjuż, l-intolleranza u l-vjolenza estremista fil-Bangladesh; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh isaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-protezzjoni pprovduta lill-attivisti u lill-ġurnalisti mill-awtoritajiet; jistieden lill-partiti politiċi kollha u lill-mexxejja tagħhom biex b'mod inekwivoku u mingħajr riserva jikkundannaw il-vjolenza estremista u jappoġġaw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni;

4.

Ifakkar lill-awtoritajiet kompetenti tal-Bangladesh fl-obbligi ġuridiċi nazzjonali u internazzjonali tagħhom, inkluża r-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-fehmiet politiċi jew reliġjużi tagħhom, u biex jiggarantixxu li l-libertajiet ta' espressjoni u tal-istampa jkunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr limitazzjonijiet arbitrarji u ċensura fil-pajjiż;

5.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jiżguraw it-twettiq ta' investigazzjonijiet indipendenti u li jingħataw spjegazzjonijiet dwar l-għajbien ta' membri tal-partiti tal-oppożizzjoni matul dawn l-aħħar ftit snin, b'mod partikolari fix-xhur ta' qabel u ta' wara l-elezzjonijiet ta' Jannar 2014;

6.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jipprevjenu l-impunità u jagħmlu dak kollu possibbli biex jidentifikaw l-aggressuri kollha u jressquhom quddiem il-ġustizzja, billi jagħtu bidu għal investigazzjonijiet indipendenti, kredibbli u trasparenti u jiżguraw proċessi ġusti, bla rikors għall-piena tal-mewt;

7.

Jinnota l-isforzi li qegħdin isiru biex jitwettqu l-arresti marbuta mal-qtil ta' Abhijit Roy, Washiqur Rahman Babu u Niladri Chatterjee; jilqa' l-progress li qed isir fl-investigazzjonijiet kriminali dwar il-mewt taċ-ċittadin Taljan, Cesare Tavella u taċ-ċittadin Ġappuniżi, Konio Hoshi;

8.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangaldesh jieħu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjeni aktar qtil billi jieħu miżuri effikaċi ħalli jipproteġi l-kittieba, il-pubblikaturi u persuni oħra li rċevew theddid, mhux biss billi jipprovdi protezzjoni fiżika speċjali lil dawk li huma miri potenzjali tal-vjolenza, iżda wkoll billi jagħti bidu għal dibattiti pubbliċi li jisfidaw il-fehmiet estremisti ta' kwalunkwe tip;

9.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh ireġġgħu lura l-indipendenza sħiħa tal-midja, iwaqqgħu l-akkużi kollha kontra l-pubblikaturi u l-ġurnalisti li ppubblikaw kontenut li jikkritika lill-gvern, jippermettu l-ftuħ mill-ġdid immedjat tal-kumpaniji tal-midja li ġew magħluqa, u jreġġgħu lura b'mod immedjat l-aċċess sħiħ u bla xkiel għall-forom kollha ta' pubblikazzjonijiet, inklużi dawk elettroniċi;

10.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh biex b'mod urġenti jaqdu l-obbligi tagħhom u jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni tan-NU dwar is-Sikurezza tal-Ġurnalisti u l-Ħruġ ta' Impunità li ġie approvat fl-2013;

11.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità tas-sistema tal-qorti u jemendaw l-Att dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni u l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà tal-2015 sabiex jallinjawhom mal-istandards internazzjonali tal-liberta ta' espressjoni, filwaqt li jwaqqgħu l-kriminalizzazzjoni tal-pubblikazzjonijiet “antistatali”;

12.

Jinsab imħasseb ħafna dwar il-każijiet rikorrenti ta' vjolenza etnika u reliġjuża motivata, speċifikament il-vjolenza sessista kontra n-nisa u l-persuni LGBTI; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh u l-organizzazzjonijiet reliġjużi u l-mexxejja tagħhom jagħtu bidu għal proċess ta' rikonċiljazzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh jaħdem lejn li jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk li jkunu wettqu dan it-tip ta' vjolenza; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Gvern tal-Bangladesh joffri biżżejjed protezzjoni u garanziji lill-minoranzi bħalma huma l-Musulmani Xiiti, l-Ahmadiyya, il-Ħindu, il-Buddisti u l-Insara, iżda wkoll il-Biharis;

13.

Jinnota li l-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tad-Donazzjonijiet minn Barra (Attivitajiet Volontarji) tal-2014 wassal, f'xi każijiet, biex organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili leġittimi ġew soġġetti għal kontroll arbitrarju mill-gvern; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jeżaminaw din il-leġiżlazzjoni biex dan jiġi pprevenut;

14.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh biex b'mod urġenti jaqdu l-obbligi tagħhom u jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni tan-NU dwar is-Sikurezza tal-Ġurnalisti u l-Ħruġ ta' Impunità li ġie approvat fl-2013;

15.

Jitlob lill-Gvern tal-Bangladesh jippermetti NGOs internazzjonali fil-pajjiż biex iwettqu l-missjonijiet tagħhom u jiżgura li l-gruppi kollha tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jaħdmu fi klima mingħajr biża' u rippressjoni;

16.

Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, id-Delegazzjoni tal-UE għall-Bangladesh u d-delegazzjonijiet tal-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u politika fil-Bangladesh u jużaw l-għodda kollha disponibbli, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

17.

Jistieden lill-UE, f'konformità mal-Qafas Strateġiku tagħha dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, biex b'mod immedjat tqajjem it-tħassib u r-rakkomandazzjonijiet t'hawn fuq mal-awtoritajiet tal-Bangladesh;

18.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0516.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2014)0024.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2014)0045.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2012)0470.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2013)0274.


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/140


P8_TA(2015)0415

Is-sitwazzjoni attwali tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp qabel l-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp qabel l-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO (2015/2632(RSP))

(2017/C 366/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-14 ta' Novembru 2001 (1),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Hong Kong tad-WTO tat-18 ta' Diċembru 2005 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2006 dwar il-valutazzjoni taċ-Ċiklu ta' Doha wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Hong Kong (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 bl-isem “Lejn Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ riformata” (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA), u partikolarment dawk tad-9 ta' Ottubru 2008 (5), tas-16 ta' Diċembru 2009 (6), tal-14 ta' Settembru 2011 (7) u tal-21 ta' Novembru 2013 (8),

wara li kkunsidra r-riżultati tad-Disa' Konferenza Ministerjali ta' Bali f'Diċembru 2013 u partikolarment il-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ (9),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Eżitu adottat b'kunsens fis-17 ta' Frar 2015 waqt is-Sessjoni Annwali tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO f'Ġinevra (10),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru fil-laqgħa tal-kapijiet ta' delegazzjoni tad-WTO fis-17 ta' Ġunju 2015,

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti (11),

wara li kkunsidra l-Ħames Eżami Globali tal-Għajnuna għall-Kummerċ li sar f'Ġinevra mit-30 ta' Ġunju sat-2 ta' Lulju 2015 (12),

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi ċ-Ċiklu ta' Doha tnieda fl-2001 bl-objettivi li jinħolqu opportunitajiet kummerċjali ġodda, jissaħħu r-regoli kummerċjali multilaterali u jiġu indirizzati l-iżbilanċi attwali fis-sistema kummerċjali billi l-esiġenzi u l-interessi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u speċjalment tal-pajjiżi l-anqas żviluppati jitqiegħdu fil-qalba tan-negozjati; billi tali objettivi jirriżultaw mill-konvinzjoni li sistema multilaterali bbażata fuq regoli aktar ġusti u ekwi tista' tikkontribwixxi għal kummerċ ġust u ħieles għas-servizz tal-iżvilupp ekonomiku tal-kontinenti kollha kif ukoll għat-taffija tal-faqar;

B.

billi l-UE kienet konsistentement favur approċċ multilaterali b'saħħtu bbażat fuq ir-regoli fir-rigward tal-kummerċ, filwaqt li tirrikonoxxi li l-approċċi komplementari bħall-ftehimiet bilaterali, reġjonali u plurilaterali jistgħu wkoll irawmu l-ftuħ tal-kummerċ u l-iżvilupp ekonomiku, speċjalment billi jiżblokkaw il-liberalizzazzjoni u jaġġornaw regoli u dixxiplini f'oqsma politiċi ttrattati b'inqas reqqa fid-WTO, u jistgħu jsostnu s-sistema multilaterali, bil-patt li tali ftehimiet jirrispettaw ir-regoli tad-WTO, huma bbażati fuq regoli kondiviżi u joħolqu l-kundizzjonijiet għall-possibbiltà ta’ multilateralizzazzjoni futura;

C.

billi minkejja li d-WTO u r-regoli minquxa fil-ftehimiet koperti mid-WTO kienu essenzjali biex jevitaw protezzjoniżmu żviluppat kompletament u mifrux bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika l-aktar serja sa mit-tletinijiet, rapport tad-WTO ta’ Novembru 2014 jiddikjara li mill- 1 244 miżura restrittiva rreġistrati minn mindu bdiet il-kriżi fl-2008, tneħħew 282 biss, fatt li jżid il-ħtieġa għal aktar azzjoni kontra tali miżuri; billi n-nuqqas li jiġu aġġornati r-regoli jista’ jwassal għal metodi ġodda u innovattivi biex jipproteġu s-swieq u l-produtturi domestiċi;

D.

billi l-kummerċ multilaterali miftuħ u ġust qiegħed aktar jixxekkel mill-ostakli nontariffarji (ONT) milli mit-tariffi kummerċjali, li qegħdin sostanzjalment jitneħħew hekk kif tavvanza l-globalizzazzjoni;

E.

billi huwa madankollu importanti li titqies is-sensittività ta’ ċerti setturi, u tas-settur agrikolu b’mod partikolari, rigward il-ftuħ tas-suq;

F.

billi r-riforma tal-Politika Agrikola Komuni tikkostitwixxi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-aspettattivi taċ-Ċiklu ta’ Doha;

G.

billi r-riżultati tad-Disa' Konferenza Ministerjali tal-2013 huma ta' importanza sistemika għall-organizzazzjoni, u partikolarment il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ li fuqu ntlaħaq qbil f'dik l-okkażjoni u li, minn mindu twaqqfet id-WTO fl-1995, kien l-ewwel darba li ntlaħaq ftehim multilaterali; billi l-Unjoni Ewropea rratifikat il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ fil-5 ta’ Ottubru 2015;

H.

billi d-diskussjonijiet reċenti dwar kif jista’ jinkiseb progress dwar id-DDA urew b’mod ċar li huwa meħtieġ rieżami tal-livell ta’ ambizzjoni biex ikunu jistgħu jinkisbu eżiti b’mod realistiku fil-pilastri kollha tan-negozjati, u li dan ir-rieżami jeħtieġ li jqis bis-sħiħ ir-realtà fl-ambjent kummerċjali tal-lum;

I.

billi l-Għaxar Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC10) li se ssir fil-Kenja mill-15 sat-18 ta’ Diċembru 2015 se tkun l-ewwel darba li se tiġi organizzata Konferenza Ministerjali tad-WTO f’pajjiż Afrikan; billi l-UE tibqa’ impenjata bis-sħiħ fir-rigward tad-DDA u tirrikonoxxi li l-fatt li jintlaħaq ftehim politiku dwar il-progess tad-DDA se jkun ta’ importanza biex jiżgura li l-funzjoni negozjattiva tad-WTO tibqa’ ċentrali għal aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ fuq skala globali;

1.

Itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur il-valur dejjiemi tal-multilateraliżmu u jappella għal aġenda kummerċjali bbażata fuq kummerċ ħieles u ġust għall-ġid ta' kulħadd, li jmissu jqiegħed lill-iżvilupp fil-qalba tal-proċess;

2.

Jenfasizza l-importanza li fin-negozjati jitqiesu bis-sħiħ l-esiġenzi u l-interessi speċjali tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp b'introjtu baxx u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati; iqis li tinħtieġ definizzjoni ċara ta’ pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp b’introjtu baxx u ta’ ekonomiji emerġenti; itenni l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-prinċipju ta' trattament speċjali u differenzjali jikkostitwixxi parti integrali min-negozjati, li jirrifletti d-diversi livelli ta' żvilupp ekonomiku tal-membri tad-WTO kif definit fil-paragrafu 44 tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha; iqis li dispożizzjonijiet ta’ trattament speċjali u differenzjali sinifikanti jeħtieġ isiru aktar preċiżi, ikunu suġġetti għal rieżamijiet perjodiċi u mmirati biex jirrispondu għall-bżonn ta’ dawk il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u l-pajjiżi l-anqas żviluppati li huma l-aktar fil-bżonn; ifaħħar l-eżempju tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ fl-operazzjonalizzazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament speċjali u differenzjali għal fażijiet ta’ implimentazzjoni li jista’ jservi ta’ eżempju utli fir-rieżami u l-immirar tad-dispożizzjonijiet ta’ trattament speċjali u differenzjali;

3.

Jappoġġja riforma strutturali tad-WTO, sabiex tiġi żgurata aħjar sistema kummerċjali miftuħa, ġusta u mhux diskriminatorja bbażata fuq regoli kondiviżi u applikati, li tqis aktar ir-rwol u l-interessi ta’ varjetà ta’ operaturi ekonomiċi, bħal SMEs, mikrointrapriżi u negozji innovattivi li jkunu għadhom kemm jiftħu;

4.

Jenfasizza l-importanza li jingħata segwitu lid-deċiżjonijiet li ntlaħaq qbil dwarhom waqt id-Disa' Konferenza Ministerjali bil-għan li jsir progress sostanzjali fl-Għaxar Konferenza Ministerjali ta' Nairobi f'Diċembru 2015 sabiex tkun possibbli konklużjoni ta’ malajr taċ-Ċiklu ta' Doha;

5.

Jemmen li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ hija strument importanti biex jiggarantixxi tkabbir u żvilupp ekonomiku sostenibbli, iżda għandha bżonn tkun akkumpanjata minn politiki xierqa paralleli li jħaddnu interventi makro- u mikroekonomiċi, inklużi t-trasparenza fil-baġit, il-politiki fiskali u t-tassazzjoni ġusta, is-simplifikazzjoni amministrattiva, l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riformi istituzzjonali u l-politiki soċjali, bil-għan li jiġu massimizzati u mqassma aħjar il-vantaġġi tar-riformi kummerċjali u li kwalunkwe effett negattiv jiġi kontrobilanċjat b'mod effikaċi;

6.

Jiġbed l-attenzjoni għall-Ħames Konferenza għal Eżami tal-Għajnuna għall-Kummerċ li saret f'Lulju 2015 f'Ġinevra bit-titolu “Tnaqqis tal-kostijiet tal-kummerċ għal tkabbir sostenibbli u inklużiv” li kkonċentrat partikolarment fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ;

7.

Jappella lill-membri kollha tad-WTO jimplimentaw u jirratifikaw malajr, il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ ħalli jkun jista' jidħol fis-seħħ qabel l-Għaxar Konferenza Ministerjali; iqis li dan il-ftehim se jsarraf f'vantaġġi konsiderevoli għall-membri kollha tad-WTO, u partikolarment għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi rilevanti, billi jżid it-trasparenza u ċ-ċertezza ġuridika u jnaqqas il-kostijiet amministrattivi kif ukoll it-tul tal-proċeduri doganali, li, min-naħa tagħhom, ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-prevalenza dejjem ikbar tal-katina tal-provvista reġjonali u globali u l-SMEs ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ minn swieq aktar miftuħa; jirrimarka li għandhom ikomplu jkunu disponibbli l-bini ta' kapaċità u l-assistenza teknika għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u dawk l-anqas żviluppati u jkun hemm enfasi fuq il-punti uniċi ta’ servizz u s-simplifikazzjoni tad-dokumentazzjoni elettronika biex jitħallew iżidu l-kapaċitajiet produttivi tagħhom bil-għan li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn sehem akbar tal-valur miżjud fil-katini tal-valur globali;

8.

Iħeġġeġ lill-membri tad-WTO jappoġġjaw b'mod proattiv l-isforzi tad-WTO intiżi li jistabbilixxu rabtiet ta' xogħol effikaċi u effiċjenti u kooperazzjoni aktar intensa ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn li l-attivitajiet tagħhom għandhom impatt fuq in-negozjati kummerċjali dinjin, partikolarment l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u n-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji u l-korpi tagħha bħall-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, il-Programm tan-NU għall-Ambjent, il-Programm tan-NU ta' Żvilupp u l-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, kif ukoll il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), il-Bank Dinji u l-OECD, bil-għan li jiġi żgurat is-sostenn reċiproku u s-sinerġiji bejn il-kwistjonijiet ta' natura kummerċjali u mhux kummerċjali; isostni l-isforzi mmirati għall-adozzjoni ta' standards internazzjonali u għall-kooperazzjoni f'ambitu ta' regolamentazzjoni;

9.

Jitlob li tiġi eżaminata bir-reqqa l-problema ta' kif jiġi ttrattat aħjar it-tħassib mhux kummerċjali fl-ambitu tar-regoli tad-WTO, bl-iskop li l-membri tagħha jitħallew isegwu l-objettivi politiċi leġittimi, filwaqt li ma jostakolawx l-aċċess għas-suq; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-isforzi sabiex jiġu adottati standards internazzjonali għandu jkollhom appoġġ b'saħħtu u li għandha tingħata l-għajnuna meħtieġa lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp sabiex ikun possibbli li dawn jilħqu dawn l-istandards;

10.

Jinsab konvint li l-assenza ta' kunsiderazzjoni suffiċjenti tad-diversità kbira fil-livelli ta' żvilupp ekonomiku u tal-esiġenzi speċifiċi bejn il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, tista' tkun ostaklu għall-adozzjoni ta' miżuri effikaċi favur dawn il-pajjiżi, skont l-objettiv iddikjarat taċ-Ċiklu ta' Doha u hija a skapitu tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp li huma l-aktar fil-bżonn; iħeġġeġ lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp l-aktar avvanzati jġorru s-sehem ta' responsabbiltà tagħhom sa miċ-ċiklu ta' negozjati attwali u jiżguraw li l-kontribut tagħhom ikun proporzjonat għal-livell ta' żvilupp tagħhom u għall-kompetittività settorjali tagħhom; jenfasizza, madankollu, li huwa importanti li jintużaw kriterji effettivi biex isir id-differenzjar billi mhux biss jitqies it-tkabbir tal-Prodott Gross Nazzjonali (GNP), iżda jiġu kkunsidrati wkoll indikaturi bħall-indiċi tal-vulnerabbiltà ekonomika u l-indiċi tal-kummerċ u l-iżvilupp;

11.

Jemmen li huwa essenzjali li jiġi konkluż iċ-Ċiklu ta' Doha, li ilu għaddej żmien twil, u li l-mandat tiegħu għall-iżvilupp ikun realizzat; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-membri kollha tad-WTO jeżaminaw, fid-dawl ta' tali objettiv aħħari, l-għażliet kollha possibbli bil-għan li jintlaħaq riżultat ambizzjuż, globali, bilanċjat u realistiku;

12.

Japprezza l-progress li sar sal-lum fir-rigward tal-inizjattivi plurilaterali bħall-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali u l-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni kif ukoll tal-inizjattivi bħall-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi; jemmen li l-ftehimiet plurilaterali jistgħu jikkumplementaw l-approċċ multilaterali u jippromwovuh bl-objettiv finali jkun dak li jħaddnu numru kritiku ta' membri u li jadottaw natura multilaterali;

13.

Jinsisti li l-UE għandha tkompli tiżvolġi rwol ta' tmexxija fil-promozzjoni tal-progress konkret fi ħdan in-negozjati tad-WTO li għaddejjin, bl-iskop li tinkiseb konklużjoni sħiħa taċ-Ċiklu ta' Doha fil-futur qrib, u taġevola l-parteċipazzjoni totali tal-pajjiżi l-anqas żviluppati fil-kummerċ globali, billi sservi ta’ mezz li jgħaqqad id-diversi pożizzjonijiet tal-membri tad-WTO;

14.

Jisħaq fuq l-importanza kruċjali tad-WTO fir-rigward tal-kummerċ dinji bbażat fuq ir-regolamenti u rigward l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-impenji vinkolanti u tar-riżoluzzjoni tat-tilwim kummerċjali kif ukoll il-kontribut uniku tagħha fil-promozzjoni ta' aktar trasparenza u reviżjoni bejn il-pari, partikolarment permezz tal-Mekkaniżmu ta' Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali (TPRM);

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-Parlament ikompli jkun involut mill-qrib fit-tħejjija tal-Għaxar Konferenza Ministerjali, jinżamm aġġornat fil-pront u, jekk ikun neċessarju, jiġi kkonsultat matul il-Konferenza Ministerjali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni quddiem il-membri l-oħra tad-WTO l-bżonn li tiżdied l-importanza tad-dimensjoni parlamentari tad-WTO;

16.

Jistieden lill-membri tad-WTO jiżguraw il-leġittimità demokratika u t-trasparenza billi tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari tad-WTO; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li l-parlamentari jkollhom aċċess aħjar għan-negozjati kummerċjali u jkunu involuti fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tad-WTO u li l-politiki kummerċjali jkunu eżaminati adegwatament fl-interessi taċ-ċittadini;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lid-Direttur Ġenerali tad-WTO.


(1)  Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha tad-WTO, 2001: Dikjarazzjoni ministerjali WT/MIN(01)/DEC/1 tal-20 ta' Novembru 2001

https://www.wto.org/english/thewto_e/minist_e/min01_e/mindecl_e.htm

(2)  Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Hong Kong WT/MIN (05)/DEC, adottata fit-18 ta' Diċembru 2005

https://www.wto.org/english/thewto_e/minist_e/min05_e/final_text_e.htm

(3)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.

(4)  ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 77.

(5)  ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 31.

(6)  ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 1.

(7)  ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 84.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2013)0511.

(9)  Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Bali (WT/MIN (13)/DEC), adottata fis-7 ta' Diċembru 2013

https://www.wto.org/english/thewto_e/minist_e/mc9_e/balideclaration_e.htm

(10)  http://www.ipu.org/splz-e/trade15/outcome.pdf

(11)  http://www.un.org/millenniumgoals/

(12)  https://www.wto.org/english/tratop_e/devel_e/a4t_e/global_review15prog_e/ global_review15prog_e.htm


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/144


P8_TA(2015)0416

Adeżjoni tal-Ekwador għall-Ftehim Kummerċjali UE-Kolombja u Perù

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-adeżjoni tal-Ekwador għall-Ftehim Kummerċjali konkluż bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Kolombja u l-Perù (2015/2656(RSP))

(2017/C 366/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-konklużjoni tan-negozjati bejn l-UE u l-Ekwador dwar l-adeżjoni ta' dan il-pajjiż mal-Ftehim Kummerċjali konkluż bejn l-UE u l-Kolombja/Perù fis-17 ta' Lulju 2014,

wara li kkunsidra l-inizjalar, fit-12 ta' Diċembru 2014, tal-protokoll li se jippermetti lill-Ekwador jingħaqad mal-ġirien tiegħu, il-Kolombja u l-Perù, f'relazzjoni kummerċjali preferenzjali mal-UE,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trattament tariffarju għal merkanzija li toriġina mill-Ekwador (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa minnhom, u l-Kolombja u l-Perù min-naħa l-oħra (2),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar il-ftehim kummerċjali tal-UE mal-Kolombja u l-Perù (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina (5) u tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Amerika Latina (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-adeżjoni tal-Ekwador mal-Ftehim Kummerċjali mal-Kolombja u l-Perù hi pass deċiżiv ieħor fl-alleanza ma' pajjiżi u reġjuni importanti li jikkondividu l-istess fehmiet u li qed jikbru b'rata mgħaġġla, f'reġjun li qed idur aktar u aktar lejn l-Asja u l-Paċifiku;

B.

billi t-test tal-Protokoll ta' Adeżjoni tal-Ekwador mal-Ftehim Kummerċjali mal-Kolombja u l-Perù jaqbel mal-ambizzjonijiet kemm tal-UE kif ukoll tal-Ekwador, billi jqis ir-relazzjoni asimmetrika fl-offerti ta' aċċess għas-swieq favur l-Ekwador, billi jallinjah mal-kontenut tal-Ftehim, iżda jinkludi għalkollox l-adattamenti speċifiċi kif mitluba mill-Ekwador;

C.

billi l-Gvern tal-Ekwador investa USD 40,8 biljun fis-settur soċjali – l-aċċess għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-sigurtà soċjali — matul dawn l-aħħar tmien snin, bi programmi speċifiċi favur l-aktar gruppi vulnerabbli tas-soċjetà, bħat-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità;

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjoni tan-negozjati mal-Ekwador dwar il-protokoll għall-adeżjoni tiegħu mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-UE, il-Kolombja u l-Perù, filwaqt li jirrikonoxxi l-benefiċċji importanti li dan se jġib miegħu għall-esportazzjonijiet tal-Ekwador lejn l-UE, b'mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-Ekwador m'għadux jibbenefika mill-iskema ġeneralizzata ta' preferenzi unilaterali tal-UE; iħeġġeġ id-dħul fis-seħħ u l-implimentazzjoni rapidi u kompluti ta' dan il-ftehim, li se jiżgura l-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-ambjent fl-ogħla livell; iqis li dan il-ftehim ser jagħti spinta u jiddiversifika l-kummerċ u l-investiment għaż-żewġ naħat, jagħmilha ta' mutur importanti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali u jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-faqar u għat-tnaqqis tal-inugwaljanza;

2.

Ifakkar li qabel ma ta l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim Kummerċjali fil-11 ta' Diċembru 2012, il-Parlament talab lill-pajjiżi Andini, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 imsemmija iktar 'il fuq, jiżguraw li jiġi stabbilit pjan direzzjonali trasparenti u vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, ambjentali u tax-xogħol, u li l-Gvernijiet tal-Kolombja u tal-Perù iressqu pjanijiet ta' azzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli qabel ma l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu; iħeġġeġ lis-sħab kollha jaħdmu għall-implimentazzjoni effikaċi tal-pjanijiet ta' azzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, ambjentali u tax-xogħol li ressqu;

3.

Jenfasizza kemm hu importanti li l-Ekwador jiżgura li l-politiki tiegħu jkunu konsistenti mal-impenji tiegħu fl-ambitu tad-WTO u tal-ftehimiet kummerċjali, u li jipprevedi trasparenza sħiħa u konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati qabel l-adozzjoni tagħhom; jistieden għaldaqstant lill-Ekwador biex mingħajr aktar dewmien jindirizza l-ostakoli identifikati li baqa' għall-aċċess għas-suq;

4.

Ifakkar lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar ir-rwol li jeħtieġ jiżvolġu biex jiżguraw l-applikazzjoni effikaċi tal-pjanijiet ta' azzjoni; ifakkar lill-Kummissjoni li għandha tinforma lill-Parlament b'mod xieraq dwar l-applikazzjoni ta' dawk il-pjanijiet ta' azzjoni u l-miżuri li ħadu biex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE lill-Parlament iressqu rapport komprensiv li jiffoka fuq il-miżuri meħuda mill-Kummissjoni permezz ta' programmi ta' kooperazzjoni, b'mod partikulari b'rabta mal-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kooperazzjoni fir-regolamentazzjoni u l-ħolqien ta' opportunitajiet soċjoekonomiċi għall-iktar gruppi żvantaġġati tas-soċjetà u mat-trawwim tal-progress fir-rigward tad-demokrazija, id-difiża tad-drittijiet umani u tal-ħaddiema u tal-protezzjoni ambjentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tisfrutta bis-sħiħ l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);

6.

Iħeġġeġ lill-gvern tal-Ekwador jieħu nota tal-pjanijiet ta' azzjoni mressqa mill-Kolombja u mill-Perù u jieħu azzjonijiet simili għax din tirrappreżenta opportunità biex itejjeb il-kundizzjoni ġenerali ta' ħajjet iċ-ċittadini, inklużi d-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol u l-ambjent;

7.

Jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija huma elementi essenzjali tar-relazzjoni ġenerali bejn l-UE u l-pajjiżi Andini; jistieden għaldaqstant lis-sħab kollha biex jippromwovu d-drittijiet u l-libertajiet kollha stabbiliti fid-dritt internazzjonali u jiżguraw li dawn ikunu garantiti għalkollox u b'mod universali;

8.

Jenfasizza li l-ekonomija tal-Ekwador esperjenzat tkabbir ekonomiku sod f'dawn l-aħħar snin u jirrikonoxxi li t-tkabbir ekonomiku kien inklużiv. jindika li dan it-tkabbir wassal għal tnaqqis dirett tal-faqar, b'mod partikolari l-faqar estrem, u tal-livelli ta' inugwaljanza, filwaqt li kabbar il-klassi medja. jilqa' l-fatt li, skont l-aktar ċifri reċenti tal-Bank Dinji, il-faqar fl-Ekwador naqas minn 37,6 % għal 22,5 % bejn l-2006 u l-2004, waqt li l-faqar estrem naqas minn 16,9 % għal 7,7 %;

9.

Ifaħħar lill-Gvern tal-Ekwador talli investa aktar minn USD 40 biljun fis-settur soċjali matul dawn l-aħħar tmien snin; iħeġġeġ lill-Ekwador ikompli bil-politiki tiegħu ta' żvilupp soċjali u sostenibbli progressivi li rnexxew;

10.

Jinnota l-investimenti kbar magħmula mill-Ekwador matul dawn l-aħħar snin; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-azzjoni leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva kollha meħuda mill-gvern u l-awtoritajiet lokali fl-Ekwador biex jiġu miġġielda l-faqar, l-inugwaljanza, il-forom kollha ta' vjolenza, l-impunità, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari t-traffikar tad-droga, u għall-azzjoni tagħhom li tiżgura li d-drittijiet tal-ħaddiema u d-drittijiet tal-persuni u tal-gruppi vulnerabbli, bħalma huma t-tfal, in-nisa, il-minoranzi u l-popli indiġeni, huma protetti kif jixraq, bil-għan li jinkiseb żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli u inklużiv; iħeġġeġ lill-Ekwador, b'rabta mad-drittijiet tat-tfal, biex ikompli u jintensifika l-isforzi tiegħu biex jipprovdi aċċess għall-edukazzjoni u biex jiġi miġġieled it-tħaddim tat-tfal;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-problemi ta' kompatibbiltà li jirriżultaw minħabba dispożizzjonijiet diverġenti rigward ir-regoli ta' oriġini, u dwar miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) fir-rigward tal-kummerċ bejn ir-reġjun Andin u l-UE, u l-kummerċ bejn ir-reġjun Andin u l-MERCOSUR; jistieden lill-Kummissjoni toffri, jekk ikun meħtieġ, assistenza teknika li tindirizza r-rekwiżiti diverġenti biex jiġi evitat li jkun hemm interruzzjonijiet mhux mixtieqa fil-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali fl-Amerika t'Isfel;

12.

Jiġbed l-attenzjoni lejn l-objettiv tal-UE li tinkludi kapitolu vinkolanti dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli f'kull ftehim kummerċjali konkluż ma' sħab industrijalizzati u mhux industrijalizzati; jappoġġa, f'dan ir-rigward, l-inklużjoni fil-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Ekwador ta' kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli li jirrifletti l-impenn komuni tas-sħab għall-promozzjoni tar-rispett, tal-osservanza u tal-eżekuzzjoni sħiħa u xierqa tal-ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-konvenzjonijiet tal-ILO u l-ftehimiet ambjentali multilaterali ewlenin bħal pereżempju l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES);

13.

Jilqa' l-ittra reċenti mingħand il-Ministeru għall-Kummerċ Barrani tal-Ekwador li tivvaluta s-sitwazzjoni tas-sessi fl-Ekwador; jitlob li ssir valutazzjoni speċifika tal-effetti tal-politiki ta' kummerċ ħieles fuq in-nisa, speċjalment fiż-żoni aktar foqra; jitlob rispett aktar komprensiv tad-drittijiet tan-nisa, speċjalment meta dawn ikunu influwenzati mill-politiki kummerċjali u l-effetti tagħhom, jew relatati magħhom;

14.

Jinnota li l-kamp ta' applikazzjoni tal-kapitolu dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim fil-ftehim kummerċjali ma jinkludix id-dispożizzjonijiet previsti fl-ambitu tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli;

15.

Jilqa' l-fatt li l-Ekwador irratifika t-tmien konvenzjonijiet fundamentali kollha tal-ILO; jisħaq fuq l-importanza ta' ratifika b'ħeffa u implimentazzjoni effikaċi tal-konvenzjonijiet kollha tal-ILO mill-Ekwador u l-Istati Membri kollha tal-UE; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Ekwador għadu ma rratifikax il-Konvenzjoni 129 tal-ILO, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi tal-Ekwador għal progress fl-applikazzjoni effikaċi tagħha; jistieden lill-Gvern tal-Ekwador isegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Esperti tal-ILO għall-applikazzjoni effikaċi tal-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO u jenfasizza l-importanza tal-possibbiltà li l-ħaddiema jkunu jistgħu jibdlu jew jistabbilixxu għaqdiet trejdunjonistiċi ġodda, għal raġunijiet ta' indipendenza, effikaċja, u affinità ideoloġika, u jfakkar b'mod partikolari li l-ILO talbet li l-Gvern Ekwadorjan jieħu l-azzjoni leġiżlattiva meħtieġa biex jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni;

16.

Jilqa' l-fatt li l-partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom li jikkonservaw u jużaw b'mod sostenibbli d-diversità bijoloġika skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB), li hi ġuridikament vinkolanti, u l-ftehimiet internazzjonali rilevanti l-oħra li l-partijiet huma firmatarji tagħhom;

17.

Jinnota li l-Ekwador hu wieħed mis-17-il pajjiż b'megadiversità fid-dinja, u għandu l-akbar konċentrazzjoni ta' speċijiet (bejn 5 % u 10 % tal-bijodiversità tad-dinja);

18.

Ifakkar li l-kostituzzjoni tal-Ekwador tirrikonoxxi b'mod espliċitu l-iżvilupp tal-kummerċ ġust bħala objettiv ewlieni tal-politika kummerċjali tal-pajjiż jistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa mal-Gvern tal-Ekwador għall-promozzjoni ta' proġetti komuni fil-qasam tal-kummerċ ġust;

19.

Jirrikonoxxi l-isforzi kbar magħmula mill-Ekwador dwar kwistjonijiet ambjentali, li ġew rikonoxxuti wkoll min-NU; jinsab imħasseb dwar il-fatt li minkejja l-isforzi li għamel il-pajjiż fir-rigward tal-kwistjonijiet ambjentali, l-Ekwador u l-pajjiżi ġirien tiegħu qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' deforestazzjoni intensiva, telf sinifikanti tal-bijodiversità, tniġġis u erożjoni tal-ħamrija u tal-ilma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġa strateġiji u programmi internazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti u trawwem is-sinerġiji meħtieġa u l-involviment responsabbli tal-partijiet pubbliċi u privati konċernati kollha;

20.

Jitlob li jkun hemm ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-Ekwador u l-UE b'appoġġ għall-programmi ambjentali speċifiċi u jilqa' b'sodisfazzjon l-interess li esprima l-gvern Ekwadorjan fi ftehim ta' kooperazzjoni mal-UE b'appoġġ għall-programmi li jirrigwardaw id-deforestazzjoni; jappoġġa l-fehma li d-deforestazzjoni hija kwistjoni li tinvolvi r-responsabbiltà tal-komunità internazzjonali kollha kemm hi;

21.

Ifakkar li l-Valutazzjoni tal-Impatt tas-Sostenibbiltà Kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiżi Andini tal-2009 bassret li d-deforestazzjoni u t-tnaqqis fil-bijodiversità se jkunu r-riżultat tal-espansjoni projettata fis-setturi tal-agrikoltura u tal-injam, kif ukoll il-kunflitt soċjali minħabba l-espansjoni fl-estrazzjoni mill-minjieri, l-estrazzjoni tal-idrokarburi u l-attivitajiet ta' qtugħ tal-injum f'żoni rurali;

22.

Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni Ewropea jiffokaw fuq is-sostenibbiltà ambjentali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha ta' kooperazzjoni ffinanzjati mill-UE u jitlob lill-partijiet kollha jippromwovu l-aħjar prattiki kummerċjali relatati mar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) skont il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida tal-OECD dwar is-CSR u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva” (COM(2011)0681);

23.

Iħeġġeġ lill-muniċipalitajiet tal-Ekwador jużaw l-opportunitajiet offruti permezz tal-qafas kummerċjali l-ġdid biex jikkooperaw direttament mal-muniċipalitajiet fl-UE sabiex jippromwovu l-kummerċ ġust u jistabbilixxu netwerks ġodda tal-kummerċ ġust;

24.

Jilqa' u jappoġġa d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ħalli jistabbilixxi grupp ta' ħidma intergovernattiv dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem, kif propost mill-Ekwador u l-Afrika t'Isfel u appoġġat minn bosta pajjiżi oħra; jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha b'mod pożittiv u kostruttiv fin-negozjati li għaddejjin f'Ġinevra;

25.

Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni Ewropea jappoġġaw lill-gvern tal-Ekwador fl-isforzi tiegħu biex jiżviluppa u jsostni ġestjoni ambjentali effikaċi, kemm b'mod ġenerali kif ukoll f'żoni sensittivi bħall-Amażonja u l-Gżejjer Galápagos għax is-salvagwardja tal-ġejjieni tal-pjaneta tagħna hija responsabbiltà komuni;

26.

Ifakkar li f'Yasuni, li jagħmel parti mill-Amażonja, jgħixu bosta tribujiet indiġeni, mijiet ta' speċijiet ta' siġar indiġeni u għexieren ta' speċijiet fawnistiċi fil-periklu; ifakkar is-sinifikat tiegħu għall-umanità u għall-wirt naturali dinji, inkluż għall-ġenerazzjonijiet ġejjiena;

27.

Jiddispjaċih li l-kunċett ta' appoġġ għall-ħarsien ambjentali permezz ta' kumpens għat-telf ta' dħul potenzjali mill-kummerċ u għall-kofinanzjament tal-ħolqien tal-Fond Fiduċjarju Yasuni Ishpingo Tambococha Tiputini (ITT) taħt l-awspiċji tal-Programm tal-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) kif propost mill-gvern Ekwadorjan, li kellu l-ħsieb li jikkumpensa lill-poplu Ekwadorjan għall-waqfien mill-estrazzjoni taż-żejt miż-żoni li jinsabu fil-Park Nazzjonali Yasuni, falla minħabba riżultati ekonomiċi insodisfaċenti;

28.

Jirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-Ekwador sabiex jipprovdi protezzjoni aħjar lill-komunitajiet indiġeni u jħeġġeġ tal-Gvern tal-Ekwador jiżgura li l-politiki tiegħu, b'mod partikolari l-istrateġija tal-estrazzjoni mill-minjieri — ma jkollhomx impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-komunitajiet indiġeni;

29.

Jenfasizza l-importanza li jiġu preservati u miżmuma l-komunitajiet indiġeni u lokali li jinkorporaw stili ta' ħajja tradizzjonali, u jenfasizza r-rilevanza tagħhom għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika fil-pajjiżi Andini;

30.

Jilqa' l-fatt li l-Ekwador irratifika l-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali, iżda jinnota li l-ftehim kummerċjali ma jagħmel l-ebda referenza għall-konvenzjoni;

31.

Jistieden tal-Gvern tal-Ekwador ikompli jtejjeb il-mekkaniżmi nazzjonali eżistenti u d-djalogu mas-soċjetà ċivili fil-qafas ta' monitoraġġ tal-Mekkaniżmu tas-Soċjetà Ċivili, inkluża kampanja sostanzjali ta' informazzjoni u promozzjoni biex tiġi massimizzata l-parteċipazzjoni tal-gruppi involuti fil-Mekkaniżmu tas-Soċjetà Ċivili; ifakkar li l-ftehim kummerċjali jirrikjedi li l-Ekwador jistabbilixxi tali mekkaniżmi sa mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim;

32.

Jistieden lill-partijiet involuti jieħdu miżuri sabiex tittejjeb il-ħidma tal-gruppi konsultattivi nazzjonali; huwa tal-fehma li l-gruppi konsultattivi nazzjonali kollha jeħtieġ ikunu kompletament indipendenti;

33.

Jitlob lill-grupp konsultattiv nazzjonali tal-UE jipproduċi rapport regolari li għandu jiġi ppreżentat u vvalutat mill-Parlament Ewropew;

34.

Jenfasizza l-importanza li jkun hemm biżżejjed parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-sessjoni annwali mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif previst fil-ftehim, u mal-pubbliku ġenerali kif previst fil-ftehim;

35.

Jilqa' l-inizjattivi meħuda mill-Gvern Ekwadorjan bħall-Kunsill Ekwadorjan tal-Parteċipazzjoni Ċivili u r-Responsabilità Soċjali (Consejo de Participacion Ciudadana u Control Social – CPCCS) bħala mezz ta' integrazzjoni, bl-għan li jsaħħaħ u jinċentiva l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, jippromwovi t-trasparenza u jeqred il-prattiki ta' korruzzjoni ifakkar l-importanza tal-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' djalogu effikaċi fejn dawn ma jeżistux, sabiex jiġi garantit id-dritt taċ-ċittadini u tal-aġenti soċjali li jeżerċitaw, fuq bażi individwali jew kollettiva, id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni;

36.

Jenfasizza l-importanza tas-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli konġunt għax dan hu l-uniku mekkaniżmu previst fil-ftehim kummerċjali biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-iżvilupp sostenibbli kemm għall-istati partijiet kif ukoll għall-kumpaniji;

37.

Jitlob lill-Kummissjoni tressaq quddiem il-Parlament l-aġendi u l-minuti kollha tal-laqgħat tas-sottokumitati;

38.

Jinnota l-introduzzjoni tas-Salvagwardja tal-Bilanċ tal-Pagamenti mill-Ekwador; jistieden lill-Ekwador jindirizza fil-pront it-tħassib identifikat waqt il-konsultazzjonijiet mill-Membri l-oħra tad-WTO fil-Kumitat tal-Bilanċ tal-Pagamenti f'Ġinevra;

39.

Jinnota li, flimkien mal-Kolombja u l-Perù, l-Ekwador hu wieħed mill-ikbar prodotturi tal-banana fid-dinja; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura li l-volumi ta' importazzjoni ta' attivazzjoni kif stabbilit fil-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni tal-banana huma rispettati; jitlob lill-Kummissjoni tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew mingħajr dewmien, u f'kull każ meta l-andament fl-importazzjonijiet tal-banana jkun tali li jaf jikkawża l-ilħuq tal-volumi ta' importazzjoni ta' attivazzjoni, u li tipprovdi dettalji dwar l-impatt dirett u indirett tal-importazzjonijiet tal-banana minn dawk il-pajjiżi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tissospendi l-eżenzjoni mid-dazju fuq il-banana importata minn dawk il-pajjiżi jekk l-importazzjonijiet jiżdiedu b'mod sproporzjonat, li jikkaġuna jew jhedded li jikkaġuna, ħsara serja lill-ekonomiji tar-reġjuni ta' produzzjoni tal-UE, bħal pereżempju t-telf tal-impjiegi;

40.

Jappella lill-partijiet kollha jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim jiġu implimentati b'mod effikaċi mad-dħul fis-seħħ tal-ftehim;

41.

Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-klawsoli ta' salvagwardja għandhom jiġu stabbiliti fl-istess waqt miż-żewġ naħat sabiex il-produzzjoni nazzjonali titħares kontra żidiet f'daqqa fl-importazzjonijiet li jaf jikkawżaw dannu serju;

42.

Jistieden lid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u l-Gvern Ekwadorjan jagħtu tweġibiet konvinċenti lill-mistoqsijiet u lit-tħassib imqajjem, qabel ma l-Parlament jivvota fuq l-adeżjoni tal-Ekwador fil-ftehim kummerċjali;

43.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Ekwador, il-Kolombja u l-Perù.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2014)0087.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2012)0481.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2012)0480.

(4)  ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 52.

(5)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 54.

(6)  ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 79.


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/149


P8_TA(2015)0417

Strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020 (2015/2957(RSP))

(2017/C 366/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tat-TFUE dwar il-funzjonament tal-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2012 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015 (COM(2012)0006),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015 (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-benessri tal-annimali tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi fi ħdan l-Unjoni u b'hekk għal suq intern li jiffunzjona tajjeb;

B.

billi ċ-ċittadini Ewropej għandhom interess kbir fil-benessri tal-annimali u jixtiequ jkunu jistgħu jagħmlu għażliet aktar infurmati bħala konsumaturi;

C.

billi r-regoli nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali m'għandhomx imorru kontra l-prinċipji tas-suq uniku tal-UE;

D.

billi l-benessri tal-annimali huwa marbut mill-qrib mas-saħħa tal-annimali u mas-saħħa pubblika;

E.

billi, minħabba l-kumplessità u l-interpretazzjonijiet differenti tagħhom, ir-regoli tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali joħolqu inċertezza ġuridika u jistgħu jqiegħdu lill-produtturi f'ċertu Stati Membri fi żvantaġġ kompetittiv serju;

F.

billi l-livell tal-benessri tal-annimali fl-Unjoni huwa fost l-ogħla fid-dinja;

G.

billi l-benessri tal-annimali għandu jitjib aktar abbażi ta' sejbiet xjentifiċi prevalenti u b'kunsiderazzjoni xierqa tal-effiċjenza u l-kompetittività tat-trobbija agrikola tal-annimali; billi standards koerenti tal-benessri tal-annimali madwar l-UE jistgħu jibbenefikaw minn definizzjoni ta' trobbija tal-annimali tajba;

H.

billi livell għoli tal-benessri tal-annimali huwa importanti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà, għad li dan ifisser investimenti u spejjeż operattivi addizzjonali li mhumiex distribwiti b'mod proporzjonat tul il-katina alimentari;

1.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta, mingħajr dewmien, il-punti pendenti tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015;

2.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa l-istrateġija eżistenti u tfassal strateġija ġdida u ambizzjuża għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali għall-perjodu 2016-2020 sabiex tibni fuq il-ħidma tal-istrateġija preċedenti u tiżgura l-kontinwazzjoni ta' qafas biex tiggarantixxi standards għolja tal-benessri tal-annimali fost l-Istati Membri;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura qafas leġiżlattiv aġġornat, komprensiv u ċar li jimplimenta bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tat-TFUE; itenni, madankollu, li taħt l-ebda ċirkostanza ma għandhom jitbaxxew il-livelli tal-benessri tal-annimali minħabba s-simplifikazzjoni amministrattiva; jenfasizza li dawn l-objettivi ma jeskludux lil xulxin;

4.

Jenfasizza li l-Artikolu 13 tat-TFUE huwa ta' applikazzjoni ġenerali, orizzontali, u għaldaqstant huwa importanti daqs id-dispożizzjonijiet dwar l-agrikoltura, l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur;

5.

Ifakkar li l-Parlament huwa parti fin-negozjati li għaddejjin, u adotta atti leġiżlattivi li jindirizzaw kwistjonijiet dwar il-benessri tal-annimali, bħas-saħħa tal-annimali, kundizzjonijiet żootekniċi, produzzjoni organika u kontrolli uffiċjali;

6.

Jirrikonoxxi l-isforzi li diġà saru mill-bdiewa dwar il-benessri tal-annimali fid-diversi Stati Membri;

7.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fejn ikun hemm evidenza xjentifika ċara li turi problemi marbuta mal-benessri tal-annimal, tadatta jew tintroduċi strumenti ta' politika ġodda biex issolvi dawn il-problemi; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mal-benessri tal-annimali fl-Istati Membri;

8.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-implimentazzjoni effikaċi u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE relatata mal-benessri tal-annimali, minħabba l-kumplessità u l-għadd kbir ta' atti leġiżlattivi relevanti; jenfasizza li t-titjib fl-infurzar u l-konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti għandu jkun l-għan ewlieni tar-regoli kollha dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali;

9.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-istess ħin, tkun aktar ambizzjuża fir-rigward tal-inklużjoni u l-prijoritizzazzjoni tar-reċiproċità tal-istandards tal-benessri tal-annimali, bħala element mhux kummerċjali fil-politika tal-kummerċ tagħha u meta tinnegozja ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali, u tippromwovi l-benessri tal-annimali f'pajjiżi terzi billi tesiġi standards ta' benessri ekwivalenti għall-annimali u l-prodotti importati flimkien ma' kontrolli stretti;

10.

Jenfasizza l-importanza ta' finanzjament xieraq għall-politika agrikola komuni li jkun kompatibbli mal-livell tal-ambizzjonijiet tagħna, sabiex tiġi evitata rilokazzjoni tal-produzzjoni u tal-kummerċ lejn pajjiżi u kontinenti bi standards aktar baxxi dwar il-benessri tal-annimali;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, tikkondividi u xxerred l-aħjar prattiki bbażati fuq ix-xjenza u tappoġġa innovazzjoni u riċerka dwar l-iżvilupp ta' tekniki u teknoloġiji ġodda dwar il-benessri tal-annimali;

12.

Ifakkar li hemm żbilanċi fil-katina alimentari li jqiegħdu lill-produttur primarju fi żvantaġġ, u li din is-sitwazzjoni tillimita l-iskop għal investimenti fil-qasam tal-benessri tal-annimali fil-livell tal-irziezet;

13.

Ifakkar li l-produtturi huma mgħobbija wisq b'obbligi amministrattivi u li, fit-tfittxija permanenti għas-simplifikazzjoni amministrattiva, din l-istrateġija Ewropea m'għandhiex tkompli żżid il-piż li diġà jeżisti; jenfasizza l-ħtieġa għal stabbiltà u prevvedibbiltà ta' investimenti fis-settur, filwaqt li tiġi żgurata kompetizzjoni internazzjonali ġusta;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 349 E, 29.11.2013, p. 62.


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/151


P8_TA(2015)0418

L-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla (2015/2977(RSP))

(2017/C 366/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, tal-1951,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989 u l-Protokolli Fakultattivi ta' magħha dwar l-involviment tat-tfal fil-konflitti armati ta' Mejju 2000, dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal ta' Jannar 2002 u dwar proċedura tal-komunikazzjonijiet ta' Diċembru 2011,

wara li kkunsidra l-Prinċipji u l-Linji Gwida dwar it-Tfal assoċjati ma' Forzi Armati jew Gruppi Armati (il-Prinċipji ta' Pariġi), tan-NU, ta' Frar 2007,

wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU rigward id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja,

wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tan-NU bit-titolu “Dinja xierqa għat-tfal”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona li jistabbilixxi l-prinċipju ta' Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, li jirrikjedi li l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jiġu meqjusa fil-politiki li x'aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqa' fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea: “Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja”, tat-30 ta' Jannar 2008,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2008 bit-titolu “Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE” (COM(2008)0055),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati (aġġornati fl-2008),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (tfassil mill-ġdid),

wara li kkunsidra l-Premju Nobel għall-Paċi li l-Unjoni Ewropea irċeviet fl-10 ta' Diċembru 2012 u l-premju ta' flus li sussegwentement irċeviet u li ġie impenjat għall-inizjattiva tal-UE “It-Tfal tal-Paċi”,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 64/290 tad-9 ta' Lulju 2010 dwar id-dritt għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u l-linji gwida rilevanti inklużi dawk tal-UNICEF u tal-UNESCO,

wara li kkunsidra “Il-Qafas ta’ Azzjoni ta’ Dakar” adottat mill-Forum Dinji dwar l-Edukazzjoni mis-26 sat-28 ta' April 2000 u d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000,

wara li kkunsidra d-“Dikjarazzjoni Incheon: Edukazzjoni 2030” adottata mill-Forum Dinji dwar l-Edukazzjoni tad-19 sat-22 ta' Mejju 2015,

wara li kkunsidra d-“Dikjarazzjoni ta’ Oslo” adottata matul is-Summit ta' Oslo dwar l-Edukazzjoni għall-Iżvilupp tas-6 u s-7 ta' Lulju 2015,

wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali lill-Kummissjoni dwar l-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla (O-000147/2015 – B8-1108/2015),

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi skont l-istimi tan-NU hemm biljun tifel u tifla li qed jgħixu f’żoni milquta minn konflitti, li minnhom 250 miljun huma taħt l-età ta' 5 snin u qed jiġu mċaħħda mid-dritt fundamentali tagħhom għal edukazzjoni; billi madwar 65 miljun tifel u tifla ta' bejn it-3 u l-15-il sena huma l-aktar milquta mis-sitwazzjonijiet ta' emerġenzi u kriżijiet li qed itulu, bir-riskju li l-edukazzjoni tagħhom tiġi interrotta, u madwar 37 miljun tifel u tifla fl-età tal-iskola primarja u tal-ewwel snin tas-sekondarja mhumiex qed jattendu skola fil-pajjiżi milquta minn kriżijiet; billi madwar nofs it-tfal li ma jmorrux skola fid-dinja jgħixu f'żoni milquta minn kunflitti; billi 87 % tat-tfal li ma jmorrux skola fl-Istati Għarab huma milquta minn konflitti, u huwa stmat li 175 miljun tifel u tifla x'aktarx li jintlaqtu minn diżastri naturali kull sena; billi ċerti gruppi, bħalma huma t-tfal foqra, il-bniet u t-tfal b'diżabilità, jaraw il-prospetti diġà baxxi tagħhom ikomplu jonqsu aktar fiż-żoni milquta mill-konflitti jew f'kuntesti fraġli;

B.

billi kważi 10 miljun tifel u tifla huma refuġjati u huwa stmat li hemm 19-il miljun tifel u tifla madwar id-dinja li ġew spostati f'pajjiżhom b'riżultat tal-konflitt;

C.

billi kull tifel u tifla huma l-ewwel u qabel kollox tfal li drittijiethom għandhom jiġu rrispettati mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mill-oriġini etnika, in-nazzjonalità jew l-istatus soċjali, ta' migrazzjoni jew ta' residenza tagħhom jew tal-ġenituri tagħhom;

D.

billi l-edukazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem u d-dritt ta' kull tifel u tifla; billi l-edukazzjoni hija vitali bil-għan li dak li jkun ikun jista' jgawdi bis-sħiħ id-drittijiet soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi l-oħra kollha;

E.

billi l-edukazzjoni tifforma l-bażi taċ-ċittadinanza responsabbli, tista' tittrasforma soċjetà u tikkontribwixxi għall-ugwaljanza soċjali, ekonomika, politika u bejn is-sessi u hija vitali għall-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa soċjalment, kulturalment u professjonalment u għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

F.

billi l-edukazzjoni hija essenzjali għall-integrazzjoni u t-titjib tal-kondizzjonijiet tal-għajxien tat-tfal b'diżabilità u/jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali;

G.

billi l-edukazzjoni primarja b'xejn għat-tfal kollha hi dritt fundamentali li l-gvernijiet taw pleġġ li jirrispettaw skont il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU tal-1989; billi l-objettiv għas-sena 2015 huwa li jiġi żgurat li s-subien u l-bniet kollha jlestu kors sħiħ ta' edukazzjoni primarja; billi minkejja l-ftit progress li sar fid-dinja li għadha fil-fażi tal-iżvilupp, għad fadal ħafna xi jsir biex jintlaħaq dan il-għan;

H.

billi l-Qafas ta' Dakar u l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) immobilizzaw lill-komunità internazzjonali favur l-aċċess universali għall-edukazzjoni primarja, l-ugwaljanza bejn is-sessi u edukazzjoni ta' kwalità, iżda l-ebda wieħed minn dawn l-għanijiet mhu se jintlaħaq sad-data fil-mira, jiġifieri l-2015;

I.

billi f'mill-inqas 30 pajjiż fid-dinja hemm attakki fuq l-edukazzjoni mill-forzi tas-sigurtà tal-istat u minn gruppi armati li mhumiex tal-istat; billi l-ħarsien tal-iskejjel mill-attakki u mill-użu militari minn gruppi armati kemm tal-istat u kemm mhumiex huwa konformi mad-Dikjarazzjoni tal-Iskejjel Sikuri u l-Linji Gwida għall-Ħarsien tal-Iskejjel u l-Universitajiet mill-Użu Militari waqt Konflitt Armat;

J.

billi t-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ jiffaċċjaw theddid li kulma jmur qed jiżdied u huma milquta b'mod sproporzjonat, speċjalment fl-istati fraġli; billi t-tfal u l-adoloxxenti li ma jmorrux l-iskola jiffaċċjaw riskju ogħla ta' żwieġ bikri u tqala bikrija, reklutaġġ għal ma' forzi jew gruppi armati, li jiġu ttraffikati jew sfruttati għax-xogħol; billi fiż-żoni ta' gwerra l-għajnuna umanitarja hija spiss l-uniku mod kif it-tfal ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom u jtejbu l-prospetti futuri tagħhom, u dan imbagħad jgħinhom jitħarsu mill-abbuż u l-isfruttament;

K.

billi l-provvediment ta' edukazzjoni ta' kwalità f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza ma jiffurmax parti minn kull rispons umanitarju, huwa ffukat b'mod predominanti fuq l-edukazzjoni primarja u għadu meqjus bħala sekondarju għall-provvediment tal-ikel, ix-xorb, l-għajnuna medika u l-kenn, u billi, bħala riżultat, it-tfal milquta minn konflitt jew diżastri naturali jitilfu milli jirċievu edukazzjoni;

L.

billi l-għajnuna umanitarja għall-edukazzjoni hija waħda baxxa, u l-għajnuna aktar ġeneruża għall-iżvilupp tasal tard jew ma tasal xejn; billi s-sistemi tat-twassil huma kkoordinati ħażin, bi spejjeż għolja tat-tranżazzjonijiet, u hemm nuqqas ta' sħab b'kapaċitajiet ta' rispons adegwati;

M.

billi l-kwalità fl-ipprogrammar tal-edukazzjoni għar-refuġjati għandha t-tendenza li tkun waħda baxxa, bi proporzjon ta' alljievi għal kull għalliem/a ta' medja ta' 70:1 u proporzjon għoli ta' għalliema mhux ikkwalifikati;

N.

billi l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (GħŻS) u l-miri assoċjati jistabbilixxu aġenda ġdida, olistika u ambizzjuża għall-edukazzjoni, li għandha titwettaq sal-2030;

O.

billi l-aċċess universali għal edukazzjoni pubblika ta' kwalità għolja, mhux biss edukazzjoni bażika iżda wkoll – u b'importanza indaqs – edukazzjoni sekondarja u għolja, huwa essenzjali biex jiġu megħluba l-inugwaljanzi u jintlaħqu l-GħŻS;

P.

billi l-UE se tinvesti EUR 4,7 biljun fl-edukazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-2014-2020, li hija żieda fuq il-EUR 4,4 biljun investiti fl-2007-2013;

Q.

billi d-Dikjarazzjoni Incheon tinnota bi tħassib li l-kunflitti, id-diżastri naturali u kriżijiet oħra qed ikomplu jxekklu l-edukazzjoni u l-iżvilupp, u tieħu impenn favur l-iżvilupp ta' “sistemi edukattivi aktar inklużivi, risponsivi u reżiljenti” u tenfasizza li l-edukazzjoni jeħtieġ “tiġi pprovduta f'ambjenti ta' tagħlim li joffru sikurezza, appoġġ u sigurtà li jkunu ħielsa mill-vjolenza”;

R.

billi l-inizjattiva “It-Tfal tal-Paċi tal-UE” tipprovdi aċċess għall-iskejjel għal madwar 1,5 miljun tifel u tifla fiż-żoni ta' konflitt u f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza f'26 pajjiż, fejn huma jkunu jistgħu jitgħallmu f'ambjent sikur u jirċievu appoġġ psikoloġiku;

S.

billi ġew żviluppati approċċi innovattivi, inklużivi u olistiċi għall-edukazzjoni fl-emerġenzi minn għadd ta' sħab tal-UE bħalma hija l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) bil-ħsieb li jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għat-tfal refuġjati milquta mill-konflitti li jkunu għaddejjin; billi dan l-approċċ jgħaqqad flimkien il-ħtiġijiet umanitarji tal-futur qrib tat-tfal u l-ħtiġijiet ta' żvilupp tagħhom tal-futur 'il bogħod u jinkludi l-iżvilupp ta' materjali ta' awtotagħlim interattivi, appoġġ psikosoċjali, spazji ta' tagħlim sikuri u rikreattivi, attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni dwar is-sikurezza u s-sigurtà u attivitajiet ta' bini tal-kapaċità;

T.

billi huwa stmat li huma meħtieġa madwar USD 8 biljun kull sena sabiex jiġi pprovdut appoġġ edukattiv lit-tfal milquta minn sitwazzjonijiet ta' emerġenza, u billi l-kontribuzzjonijiet domestiċi tal-gvernijiet milquta jħallu diskrepanza finanzjarja globali ta' USD 4,8 biljun għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

U.

billi biex din id-diskrepanza ma tibqax teżisti jeħtieġ li jiżdied il-finanzjament għall-iżvilupp u l-finanzjament umanitarju, kif ukoll l-infiq pubbliku fl-edukazzjoni min-naħa ta' stati fraġli; billi l-edukazzjoni bħala proporzjon tan-nefqa tal-gvernijiet fi stati fraġli naqset f'dawn l-aħħar snin, u għadha 'l bogħod mill-punt ta' riferiment rakkomandat internazzjonalment ta' 20 %;

V.

billi d-Dikjarazzjoni ta' Oslo tinnota kemm hu importanti li tiġi studjata l-arkitettura globali tal-għajnuna fit-tfittxija biex jitnaqqas id-distakk bejn ir-risponsi umanitarji u l-interventi għall-iżvilupp għall-ġejjieni aktar 'il bogħod fil-qasam tal-edukazzjoni, u tipproponi li titwaqqaf pjattaforma ġdida għal dan il-għan, kif ukoll li jinħoloq fond apposta jew modalità ġdida għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza kmieni biżżejjed qabel is-Summit Umanitarju Dinji fl-2016.

1.

Jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni pubblika ta' kwalità għolja universali bħala katalista għall-iżvilupp, li ttejjeb il-prospetti ta' interventi oħra fl-oqsma tas-saħħa, is-sanità, it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri, il-ħolqien tal-impjiegi, it-tnaqqis tal-faqar, u l-iżvilupp ekonomiku; jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni bħala għodda b'saħħitha li hija meħtieġa bil-għan li jingħata sens ta' normalità, titqajjem il-kuxjenza dwar id-drittijiet u t-tfal, l-adoloxxenti, u ż-żgħażagħ jiġu megħjuna jegħilbu t-trawma, jintegraw ruħhom mill-ġdid fis-soċjetà f'dak li jkunu ħallew warajhom il-konflitti, u jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa biex jerġgħu jibnu s-soċjetajiet tagħhom u jippromwovu l-bini tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni;

2.

Jenfasizza li, fuq tul ta’ żmien, l-edukazzjoni ta’ kwalità tista’ tkun ingredjent kritiku fir-rikostruzzjoni tas-soċjetajiet ta' wara l-konflitti, peress li tista' żżid il-potenzjal ta' qligħ tat-tfal, tippermettilhom iżommu l-familja tagħhom aktar b'saħħitha u ttejjeb l-abilità tagħhom li jeħilsu miċ-ċiklu tal-faqar;

3.

Jisħaq li l-bniet u tfal żvantaġġjati oħra, inklużi t-tfal b'diżabilità, ma għandha qatt issir diskriminazzjoni kontrihom f'dak li hu aċċess għal edukazzjoni tajba f'sitwazzjoni ta' emerġenza;

4.

Jenfasizza r-rwol pożittiv li taqdi l-edukazzjoni fl-iżvilupp u l-benesseri tat-tfal, u jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat tagħlim tul il-ħajja mingħajr interruzzjonijiet għall-adoloxxenti żgħar; jemmen li dan se jillimita wkoll il-possibilitajiet li huma jiġu involuti ma' gruppi armati jew jiġu ingaġġati fl-estremiżmu;

5.

Jirrikonoxxi l-progress li sar minn mindu ġew adottati l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, iżda jiddeplora l-fatt li l-miri stabbiliti mhumiex se jintlaħqu fl-2015; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu dawn l-għanijiet l-ogħla prijorità fil-politiki interni tagħhom u fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi; jenfasizza li dawn l-għanijiet – speċjalment il-qerda tal-faqar, l-aċċess universali għall-edukazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi – jistgħu jintlaħqu biss permezz tal-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi li jkunu aċċessibbli għal kulħadd; jilqa' b'sodisfazzjon l-aġenda tal-edukazzjoni l-ġdida stabbilita fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u jkompli jisħaq fuq l-importanza ta' aċċess ekwu għal edukazzjoni ta' kwalità għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli;

6.

Jinnota bi tħassib li l-progress fl-edukazzjoni kien miexi l-aktar bil-mod jew ma kien jeżisti xejn fil-pajjiżi milquta mill-konflitti u fl-istati fraġli u milquta mill-konflitti, u jenfasizza kemm hu importanti li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi edukattivi f'dawn il-pajjiżi u li jiġi żgurat tagħlim mingħajr interruzzjonijiet meta jfaqqgħu l-kriżijiet; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta' impenn akbar min-naħa tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati l-oħra kollha involuti f’diversi livelli, bil-għan li jipprovdu strumenti biex jiġu żgurati l-iżvilupp u l-edukazzjoni mifruxa ma' kullimkien f'dawn il-pajjiżi milquta mill-kriżijiet;

7.

Jenfasizza l-fatt li miljuni ta' tfal ġew imġiegħla jsiru refuġjati, u jenfasizza li l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal refuġjati huwa importantissmu; jistieden lill-pajjiżi akkoljenti jiżguraw li t-tfal refuġjati jingħataw aċċess sħiħ għall-edukazzjoni, u jippromwovu kemm jista' jkun l-integrazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fis-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali; jistieden ukoll lill-komunitajiet umanitarji u tal-iżvilupp jagħtu aktar attenzjoni lill-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema kemm dawk mill-komunitajiet spustjati u kemm dawk mill-komunitajiet ospitanti, u jistieden ukoll lid-donaturi internazzjonali jagħtu prijorità lill-edukazzjoni meta jkunu qed jirrispondu għall-kriżijiet tar-refuġjati, permezz ta' programmi mmirati li jinvolvu u psikoloġikament jappoġġjaw lit-tfal migranti, kif ukoll li jippromwovu t-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti bil-għan li jiġi żgurat livell ogħla u aktar xieraq ta' integrazzjoni tat-tfal refuġjati;

8.

Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq l-edukazzjoni sekondarja u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll fuq l-edukazzjoni primarja bażika; jenfasizza l-fatt li ż-żgħażagħ tal-età ta' bejn it-12 u l-20 sena għandhom opportunitajiet limitati ħafna fi ħdan il-komunitajiet tar-refuġjati, filwaqt li fl-istess ħin qed ikunu fil-mira primarjament għas-servizz militari u suriet oħra ta' ingaġġ fil-konflitt armat; jirreferi għall-eżempju tal-Afganistan, fejn, skont il-Bank Dinji, minkejja l-popolazzjoni enormi tiegħu fl-età tax-xogħol, huma biss 30 % tal-persuni ta' 15-il sena u akbar li jafu jaqraw u jiktbu u fejn deċennji ta’ snin ta' gwerra rriżultaw fi skarsezza kritika ta’ ħaddiema tas-sengħa;

9.

Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw skemi ta' akkoljenza speċifiċi għat-tfal mhux akkumpanjati u għall-ommijiet waħedhom bit-tfal;

10.

Ifakkar lill-Istati Membri li l-protezzjoni tat-tfal u l-prevenzjoni tal-abbuż u t-traffikar huma aċċidentali għall-inklużjoni tagħhom fl-iskejjel u fil-programmi edukattivi, u li għandha ssir dispożizzjoni għal standards iddefiniti sewwa għall-akkoljenza, l-inklużjoni u l-appoġġ lingwistiku, kif stabbilit fid-Direttiva 2013/33/UE;

11.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-istudenti refuġjati fi tranżitu, ukoll billi jikkooperaw ma' għadd ta' organizzazzjonijiet internazzjonali;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu “kurituri tal-edukazzjoni” biex jiġi żgurat li studenti minn pajjiżi li jinsabu għaddejja minn konflitt, b'mod partikolari s-Sirja, l-Iraq u l-Eritrea, jiġu aċċettati fl-universitajiet;

13.

Jitlob li l-UE u l-aġenziji umanitarji tagħha b'mod sistematiku jinkludu l-edukazzjoni u l-protezzjoni tat-tfal fiċ-ċiklu tar-rispons għall-emerġenzi kollu kemm hu u jiżguraw fondi pluriennali flessibbli għall-kriżijiet imtawla;

14.

Jilqa' l-istabbiliment tal-Fond Fiduċjarju ta' Bekou, il-Fond Fiduċjarju ta' Madad u l-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika bħala għodod effettivi biex tiġi indirizzata l-firda bejn il-finanzjament umanitarju u l-finanzjament tal-iżvilupp f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza kumplessi u mtawla fejn il-kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi u umanitarji huma interkonnessi; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jinkludu l-edukazzjoni għat-tfal bħala prijorità fl-allokazzjoni tar-riżorsi mill-Fondi Fiduċjarji tal-UE;

15.

Jirrikonoxxi l-lakuni preokkupanti li jinsabu fir-rispons ta' edukazzjoni għas-sitwazzjonijiet ta' emerġenza, partikolarment minħabba li impenn bikri joffri benefiċċji mhux biss għat-tfal milquta iżda jista' wkoll itejjeb l-effikaċja tar-rispons umanitarju usa’; itenni l-appoġġ tiegħu biex l-iskejjel jinżammu bħala spazji sikuri għat-tfal, u jenfasizza f'dan il-kuntest kemm hu importanti li l-edukazzjoni tiġi protetta mill-attakki; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu l-impenn tagħhom li jappoġġjaw il-prinċipji tal-Qafas Komprensiv tal-Iskejjel Sikuri u li jipproteġu l-edukazzjoni mill-attakki u mill-użu militari skont id-Dikjarazzjoni tal-Iskejjel Sikuri u u l-Linji Gwida għall-Ħarsien tal-Iskejjel u l-Universitajiet mill-Użu Militari waqt Konflitt Armat;

16.

Jitlob li l-UE taħdem ma' pajjiżi sħab, donaturi oħra, is-settur privat u s-soċjetà ċivili biex ittejjeb l-opportunitajiet edukattivi għaż-żgħażagħ f’sitwazzjonijiet ta' konflitt u emerġenzi oħra, minħabba r-rwol kruċjali li ż-żgħażagħ jistgħu jaqdu fl-istabbilità ta' wara l-konflitt permezz tal-ħiliet potenzjalment akkwiżiti tagħhom biex jerġgħu jinbnew l-infrastruttura, is-servizzi bażiċi, il-faċilitajiet tas-saħħa u s-sistemi edukattivi, u fl-istess ħin jitnaqqas ir-riskju ta' popolazzjoni żagħżugħa mingħajr xogħol li tikkawża taqlib soċjali jew li terġa’ taqa’ lura f’ċirku vizzjuż ta’ vjolenza;

17.

Ifaħħar l-inizjattiva It-Tfal tal-Paċi tal-UE, li għandha l-għan li tiffinanzja proġetti edukattivi umanitarji f'sitwazzjoni ta' emerġenza, u jistieden lill-Kummissjoni tkabbar din l-inizjattiva; jilqa' l-inizjattiva No Lost Generation (L-Ebda Ġenerazzjoni Mitlufa), varata minn għadd ta' donaturi u entitajiet umanitarji u tal-iżvilupp, inkluża l-UE, bil-ħsieb li jingħata aċċess għall-edukazzjoni għal miljuni ta' tfal fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien;

18.

Jiddeplora l-fatt li minkejja r-rwol importanti tal-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, dan il-qasam ta' politika rċieva inqas minn 2 % tal-fondi umanitarji kollha fl-2014; jittama għalhekk li, taħt il-programm il-ġdid għar-ristrutturar tad-distribuzzjoni tal-fondi tal-UE, il-finanzjament għall-programmi tal-edukazzjoni tat-tfal, inkluż f'pajjiżi terzi milquta minn gwerer jew emerġenzi ġenerali, ikun jista' jiġi supplimentat u miżjud;

19.

Jistieden lill-atturi umanitarji kollha, minħabba n-natura mtawla tal-kriżijiet kontemporanji, jinkludu l-edukazzjoni bħala parti integrali tar-rispons umanitarju tagħhom u jżidu l-impenn tagħhom għall-edukazzjoni billi jimmobilizzaw ir-raggruppament tal-edukazzjoni fl-istadji bikrija ta' sitwazzjoni ta' emerġenza u billi jiżguraw li jiġu ddedikati għalih fondi suffiċjenti; jistedinhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli bħalma huma l-bniet, il-persuni b'diżabilità u l-fqar, iqisu lit-tfal u ż-żgħażagħ spustati li jkunu ngħataw refuġju minn komunitajiet ospitanti, u jagħtu konsiderazzjoni xierqa lill-edukazzjoni sekondarja bil-għan li ma jeskludux lill-adoloxxenti mill-edukazzjoni;

20.

Jilqa' l-attenzjoni internazzjonali – li kulma jmur qed tiżdied – mogħtija lis-suġġett tal-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, u b'mod partikolari t-tħabbira min-naħa tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-UE tal-objettiv tiegħu li sal-2019 jiddedika 4 % tal-baġit għall-għajnuna umanitarja tal-UE għall-edukazzjoni tat-tfal f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

21.

Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw l-objettiv tal-Kummissjoni li żżid is-sehem tal-fondi umanitarji ddedikati għall-edukazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza għal 4 % tal-baġit għall-għajnuna umanitarja tal-UE bħala investiment minimu biex jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għat-tfal li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla; jistedinhom ukoll iżidu l-attenzjoni u l-finanzjament mogħtija lill-edukazzjoni fl-azzjonijiet umanitarji tagħhom stess, filwaqt li jisħaq li dan ma għandux isir spejjeż ta' ħtiġijiet primarji oħra; jitlob li l-UE tippromwovi fost il-pajjiżi rilevanti l-aħjar prattiki f'dawk li huma stat ta' tħejjija u strateġiji ta' rispons biex tiġi sostnuta l-edukazzjoni fil-każ ta' kriżijiet u tgħin fil-bini tal-kapaċità relatat, eż. permezz ta' programmi ta' appoġġ mill-baġit;

22.

Jenfasizza li t-teknoloġiji ġodda ta' informazzjoni u komunikazzjoni (ICT) ħadu rwol li kulma jmur qed isiru aktar importanti fis-settur tal-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u jistgħu jtejbu l-ħidma tal-operaturi f'sitwazzjonijiet bħal dawn, inkluż permezz tal-pjattaformi tat-tagħlim elettroniku għall-istudenti u tat-tagħlim elettroniku għall-għalliema;

23.

Jenfasizza li, filwaqt li hemm il-ħtieġa ta' żieda fil-finanzjament umanitarju, din mhix se tkun biżżejjed biex tindirizza l-lakuna tal-finanzjament; jitlob lill-UE u lid-donaturi l-oħra biex jgħollu l-profil tal-edukazzjoni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-istati fraġli sabiex tiżdied ir-reżiljenza tas-sistemi edukattivi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lil atturi umanitarji oħra, jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-edukazzjoni pubblika universali, inkluża l-edukazzjoni sekondarja u l-edukazzjoni għolja, bħala mod kif jiġi kkoordinat l-ipprogrammar tar-risponsi għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza mal-ipprogrammar fit-tul għall-iżvilupp sostenibbli;

24.

Jitlob lill-UE tappoġġja l-impenji tal-gvernijiet ta' pajjiżi terzi biex jiżviluppaw l-oqfsa ġuridiċi nazzjonali għar-reżiljenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri u r-riskji abbażi tal-Programm Internazzjonali ta' Liġijiet, Regoli u Prinċipji applikabbli għall-Azzjonijiet Internazzjonali f'Każ ta' Diżastru u biex jiżguraw li l-kapaċità fl-immaniġġjar tar-riskji teżisti b'mod orizzontali fid-dipartiment tal-gvern kollha, fis-setturi industrijali kollha u fis-soċjetà ċivili bil-għan li jiġi żgurat li t-tfal jerġgħu lura l-iskola;

25.

Jenfasizza l-importanza tas-settur privat bħala għajn potenzjali ta’ finanzjament innovattiv għall-edukazzjoni, bil-għan li jitneħħa d-distakk potenzjali ta' bejn is-servizzi edukattivi u t-taħriġ vokazzjonali mogħtija u d-domandi prospettivi tas-suq tax-xogħol; jitlob li jkun hemm alleanzi ġodda u modi ġodda ta' kif isiru s-sħubijiet mas-settur privat fil-proċessi tal-edukazzjoni, li jistgħu jikkostitwixxu għejun vijabbli ta’ innovazzjoni u ta' flessibilità teknoloġika u jistgħu jieħdu għadd kbir ta' forom, mill-provvediment ta' faċilitajiet ta' bini u apparati elettroniċi sa programmi ta' tagħlim elettroniku għall-istudenti u trasport u akkomodazzjoni għall-għalliema;

26.

Jenfasizza l-fatt li l-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u f'kuntesti fraġli hija qasam konkret li fih l-atturi umanitarji u tal-iżvilupp jeħtieġ li jaħdmu flimkien għall-kollegament bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD); jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmi biex tirrispondi b'mod effettiv għal dan fl-attivitajiet tagħha stess u f’dawk tas-sħab tagħha, u tinvolvi ruħha fil-pjattaforma internazzjonali li se toħloq strumenti apposta għall-edukazzjoni f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza għas-Summit Umanitarju Dinji fl-2016; jappoġġja l-koordinazzjoni tal-fondi eżistenti u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' finanzjament dinji għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

27.

Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jippromwovu l-kwistjoni tal-edukazzjoni għat-tfal li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza u fi kriżijiet imtawla fis-Samit Umanitarju Dinji, billi jiżguraw li din it-tema jkollha post adegwat fid-dokument ta' eżitu; jitlob ukoll li huma jippromwovu standards komuni għal qafas ta' tagħlim u t-tixrid tal-aħjar prattiki dwar modalitajiet alternattivi ta' tagħlim (għal min jitgħallem), bħalma huma l-materjali ta' awtotagħlim u ta' tagħlim mill-bogħod; jenfasizza li għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi, għodod u kapaċitajiet bil-għan li l-pjanijiet tal-edukazzjoni u l-baġits tal-edukazzjoni jiġu allinjati b’mod orizzontali fir-risponsi umanitarji, fl-irkupru/it-tranżizzjoni u fl-iżvilupp kollha kemm huma;

28.

Jenfasizza li, fid-dawl tal-għadd dejjem jikber ta' kriżijiet umanitarji u tal-ikbar għadd ta' nies spostati mindu seħħet it-Tieni Gwerra Dinjija, il-komunità internazzjonali għandha tikkunsidra l-edukazzjoni bħala element ċentrali tar-rispons umanitarju tagħha, peress li l-edukazzjoni hija katalist li jista’ jagħmel ir-rispons ġenerali aktar effettiv u anke jikkontribwixxi għall-iżvilupp, kemm fil-futur qrib u kemm fil-futur 'il bogħod, tal-popolazzjonijiet milquta.

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/157


P8_TA(2015)0419

Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar “Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020” (2015/2772(RSP))

(2017/C 366/17)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 174 u 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (CPR),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni,

wara li kkunsidra s-Sitt Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali (COM(2014)0473),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri tal-2014,

wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali lill-Kummissjoni dwar “Lejn semplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020” (O-000127/2015 – B8-1103/2015),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Parlament jirrikonoxxi l-importanza tal-passi sinifikanti mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tas-semplifikazzjoni, bħall-aġenda ta' semplifikazzjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, il-ħatra ta' Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għal regolamentazzjoni aħjar, il-ħolqien ta' Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti Indipendenti dwar il-Monitoraġġ tas-Semplifikazzjoni għall-Benefiċarji tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) fi ħdan il-Kummissjoni, ir-Regolament Finanzjarju rivedut u r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR);

B.

billi, minkejja l-politika ta’ koeżjoni riformata għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, fejn huma indirizzati l-metodi ta’ semplifikazzjoni, l-applikazzjoni, il-ġestjoni, ir-rappurtar u l-kontroll fir-rigward tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew (FSIE) xorta għadhom onerużi kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għall-awtoritajiet ta’ ġestjoni, partikolarment dawk b’anqas ħiliet amministrattivi u finanzjarji;

C.

billi r-regolamentazzjoni żejda (gold-plating) attwali, inkluż fil-proċess tat-traspożizzjoni ta' regoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, toħloq dewmien u twassal għal perjodu itwal barra mis-suq kif ukoll spejjeż indiretti għal benefiċjarji potenzjali li qed ifittxu finanzjament mill-UE, biex b'hekk jitnaqqas l-impatt tal-finanzjament tal-UE fuq l-investiment u jinħolqu ostakoli għall-benefiċjarji, iċ-ċittadini u l-kumpaniji fl-UE, partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

D.

billi l-proċeduri kkumplikati jistgħu jixħtu piż sinifikanti fuq il-benefiċjarji, partikolarment fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, l-NGOs u l-muniċipalitajiet, li jeħtieġu l-finanzjament tal-UE u billi, b’mod ġenerali, dawn l-entitajiet ma għandhomx ir-riżorsi finanzjarji u umani, u lanqas il-kompetenza esperta, biex japplikaw b’suċċess għal-għotjiet tal-UE u biex jiġġestixxuhom; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mistiedna biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jagħmlu l-istrument ta' kejl ta' riskju ARACHNE operattiv u aktar faċli biex jintuża mill-awtoritajiet ta' ġestjoni u s-sistemi ta' kontroll ta' programmi operattivi, li għandhom jiżguraw bilanċ xieraq bejn is-semplifikazzjoni fuq naħa, u d-detezzjoni u l-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż il-frodi, fuq in-naħa l-oħra;

E.

billi l-irduppjar tal-awditjar u d-differenzi fl-approċċi u fil-metodoloġiji ta’ awditjar jitolbu l-implimentazzjoni tal-“prinċipju ta’ awditu uniku” kif ukoll enfasi aktar qawwija fuq l-awditjar tal-prestazzjoni, li jistgħu jevalwaw aħjar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-operazzjonijiet u jwasslu għal proposti għal semplifikazzjoni;

1.

Iqis li l-Kummissjoni għandha tintroduċi linji gwida dettaljati dwar is-semplifikazzjoni sabiex l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom jsiru konxji tal-kompitu tagħhom li jeliminaw, jew tal-anqas inaqqsu b'mod sinifikanti, il-piż amministrattiv u r-regolamentazzjoni żejda li jirriżultaw fil-livelli nazzjonali u lokali fil-proċessi ta’ akkwist, l-għażla tal-proposti ta' proġetti u l-attivitajiet ta' monitoraġġ u ta'; kontroll, inkluż li jiġu evitati bidliet frekwenti fir-regoli, is-semplifikazzjoni tal-lingwaġġ u tal-proċeduri ta' standardizzazzjoni, kif ukoll l-iffukar tal-baġit tal-UE fuq riżultati tanġibbli; barra minn hekk, jiddikjara li, pakkett ta’ finanzjament reġjonali tal-UE integrat, permezz ta’ interfaċċa unika jew ta' punt uniku ta' kuntatt jista’ jkun possibilità jiġi previst, biex b’hekk issir bidla lejn proċessi u proċeduri komuni, kull meta jkun possibbli;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri u lir-reġjuni tagħhom bi pjan direzzjonali biex tallinja u tissemplifika l-attivitajiet ta’ kontroll, monitoraġġ u rappurtar, inkluż għall-benefiċjarji, sabiex telimina l-ostakli attwali;

3.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu nota tad-data mira tal-31 ta' Diċembru 2015, kif stipulat fl-Artikolu 122(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR), biex issir il-konverżjoni għal koeżjoni elettronika bħala prekundizzjoni għal -tnaqqis sinifikanti taż-żmien mill-applikazzjoni sa meta tingħata l-għotja;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi u timplimenta, b’koordinazzjoni mal-Istati Membri u bi qbil mal-prinċipju tal-proporzjonalità, approċċ ħafif għal rekwiżiti ta' data u ta’ informazzjoni għal benefiċjarji matul il-proċess ta’ applikazzjoni u fir-rigward ta’ rappurtar relatati mal-finanzjament tal-UE taħt ġestjoni kondiviża, u tħeġġeġ l-iskambju ta’ prattiki tajbin;

5.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu s-semplifikazzjoni tar-regoli li jiggvernaw l-istrumenti finanzjarji fi ħdan il-Fondi SIE bil-għan li jiġu allinjati aktar mill-qrib għall-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, bil-għan aħħari li jkun hemm titjib fl-użu tagħhom;

6.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-użu ta’ approċċ ibbażat fuq bosta fondi, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tal-benefiċjarji;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tniedi djalogu strutturat u permanenti mal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-partijiet interessati l-oħra dwar l-aspetti kollha ta’ dan il-proċess ta’ semplifikazzjoni;

8.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom.


III Atti preparatorji

IL-PARLAMENT EWROPEW

L-Erbgħa 11 ta’ Novembru 2015

27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/159


P8_TA(2015)0393

Programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (ISA2) ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (ISA2)L-interoperabbiltà bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku (COM(2014)0367 – C8-0037/2014 – 2014/0185(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2017/C 366/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0367),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0037/2014),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Ottubru 2014 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-12 ta' Frar 2015 (2),

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-23 ta' Settembru 2015, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0225/2015),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU C 12, 15.1.2015, p. 99.

(2)  ĠU C 140, 28.4.2015, p. 47.


P8_TC1-COD(2014)0185

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta' Novembru 2015 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Deċizjoni (UE) 2015/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (Programm ISA2) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att finali, d-Deċiżjoni UE 2015/2240.)


It-Tlieta, 24 ta’ Novembru 2015

27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/161


P8_TA(2015)0396

It-tħassir ta' ċerti atti mill-acquis ta' Schengen ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tħassar ċerti atti fil-Qasam ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (COM(2014)0713 – C8-0277/2014 – 2014/0337(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2017/C 366/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014) 0713),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), l-Artikolu 77(2)(a), (b) u (d), l-Artikolu 78(2)(e) u (g), l-Artikolu 79(2)(c) u (d) u l-Artikolu 87(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0277/2014),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-21 ta' Ottubru 2015, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 50(2) tar-Regoli ta ' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0250/2015),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


P8_TC1-COD(2014)0337

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-24 ta' Novembru 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ċerti atti mill-acquis ta' Schengen

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2016/93.)


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/162


P8_TA(2015)0397

It-tħassir ta' ċerti atti mill-acquis ta' Schengen fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tħassar ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (COM(2014)0714 – C8-0279/2014 – 2014/0338(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2017/C 366/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014) 0714),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a) u (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8–0279/2014),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-21 ta' Ottubru 2015, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 50(2) tar-Regoli ta ' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0251/2015),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi/tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


P8_TC1-COD(2014)0338

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-24 ta' Novembru 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ċerti atti mill-acquis ta' Schengen fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2016/94.)


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/163


P8_TA(2015)0398

It-tħassir ta' ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (COM(2014)0715 – C8-0280/2014 – 2014/0339(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2017/C 366/21)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0715),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 82(1), 83(1), 87(2) u 88(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0280/2014),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-21 ta' Ottubru 2015, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 50(2) tar-Regoli ta ' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0252/2015),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


P8_TC1-COD(2014)0339

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-24 ta' Novembru 2015 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2016/95.)


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/164


P8_TA(2015)0399

Adeżjoni għall-Kummissjoni Estiża tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonn tan-Nofsinhar ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (CCSBT) li jikkonċerna l-istatus tal-Unjoni bħala Membru fil-Kummissjoni Estiża tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (07134/2015 – C8-0323/2015 – 2015/0036(NLE))

(Approvazzjoni)

(2017/C 366/22)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (07134/2015),

wara li kkunsidra l-Iskambju ta’ Ittri biex jinkiseb l-istatus ta’ Membru tal-Kummissjoni Estiża tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar,

wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0323/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2), u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0318/2015),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni għall Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar.


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/165


P8_TA(2015)0400

Medjazzjoni fl-assigurazzjoni ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar medjazzjoni fl-assigurazzjoni (riformulazzjoni) (COM(2012)0360 – C7-0180/2012 – 2012/0175(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – riformulazzjoni)

(2017/C 366/23)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2012)0360),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0180/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2012 (1),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali (2),

wara li kkunsidra l-ittra tad-9 ta’ Novembru 2012 mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 104(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill fl-ittra tat-22 ta’ Lulju 2015 biex japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 104, 59 u 61(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur kif ukoll tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0085/2014),

wara li kkunsidra l-emendi li adotta waqt is-seduta tiegħu tas-26 ta’ Frar 2014 (3),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-18 ta’ Settembru 2014 dwar ħidma mhux mitmuma mis-seba’ leġiżlatura parlamentari,

wara li kkunsidra r-rapport supplimentari tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0315/2015),

A.

billi, skont il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma’ dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-testi eżistenti mingħajr ebda tibdil fis-sustanza;

1.

Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b’mod sustanzjali jew li tibdilha b’test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 95.

(2)  ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2014)0155.


P8_TC1-COD(2012)0175

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-24 ta' Novembru 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni)

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, d-Direttiva (UE) 2016/97.)


L-Erbgħa 25 ta’ Novembru 2015

27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/167


P8_TA(2015)0404

Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2015: Riżorsi proprji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Riżorsi proprji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (13439/2015 – C8-0341/2015 – 2015/2269(BUD))

(2017/C 366/24)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, adottat b'mod definittiv fis-17 ta’ Diċembru 2014 (2),

wara li kkunsidra l-baġit emendatorju Nru 1/2015, kif adottat b’mod definittiv fit-28 ta’ April 2015 (3),

wara li kkunsidra l-baġits emendatorji Nru 2/2015, Nru 3/2015, Nru 4/2015 u Nru 5/2015, kif adottati b’mod definittiv fis-7 ta’ Lulju 2015 (4),

wara li kkunsidra l-baġits emendatorji Nru 6/2015 u Nru 7/2015, kif adottati b’mod definittiv fl-14 ta’ Ottubru 2015,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (5),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 tal-21 ta’ April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (6),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (7),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (8),

wara li kkunsidra l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 8/2015, adottat mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Ottubru 2015 (COM(2015)0545),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2015 adottata mill-Kunsill fl-10 ta’ Novembru 2015 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fl-istess jum (13439/2015 – C8-0341/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0337/2015),

A.

billi l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 8/2015 jikkonċerna reviżjoni tal-previżjoni tar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (dazji doganali), l-ibbaġitjar tal-bqija tal-bilanċi tal-VAT u tal-ING tal-2014 u l-ibbaġitjar tal-bilanċi tal-VAT u tal-ING tal-2015;

B.

billi l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 8/2015 jaġġorna wkoll il-previżjoni għal dħul ieħor;

C.

billi l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 8/2015 jipprevedi wkoll tnaqqis ta’ EUR 123 474 kemm f’approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll f’approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-baġit tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data;

D.

billi l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 8/2015 jirriżulta fi tnaqqis ta’ EUR 9,4 biljun fil-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING mill-Istati Membri;

1.

Jieħu nota tal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 8/2015, kif ippreżentat mill-Kummissjoni, u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwaru;

2.

Jirrimarka li l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 8/2015, fl-elementi kollha tiegħu, għandu impatt ta’ tnaqqis ta’ EUR 9 403,4 miljun f’kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-baġit tal-Unjoni;

3.

Jissottolinja li jeħtieġu mezzi finanzjarji addizzjonali sostanzjali biex jindirizzaw il-kriżi attwali tar-refuġjati;

4.

Jinnota li l-impenji finanzjarji tal-Istati Membri għall-Fond Fiduċjarju tal-Afrika, il-Fond Fiduċjarju tas-Sirja u għall-aġenziji tan-NU li jappoġġjaw lir-refuġjati, ikkonfermati mill-ġdid waqt laqgħa informali tal-Kapijiet tal-UE tal-Istati jew Gvern dwar il-migrazzjoni tat-23 ta' Settembru 2015, waqt il-Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Ottubru 2015 u s-Summit tal-Belt Valletta bejn il-11 u t-12 ta' Novembru 2015, għadhom ma ntlaħqux; jiddeplora l-fatt li skont id-data tal-Kummissjoni, fil-bidu ta’ Novembru 2015, l-Istati Membri kienu għadhom minn taħt bi EUR 2,3 biljun;

5.

Jirrimarka li se jinħtieġu aktar sforzi finanzjarji sabiex tingħata għajnuna umanitarja matul ir-rotot tranżitorji u biex jiġġestixxu l-isfidi kkawżati mill-ilqugħ ta’ għadd bla preċedent ta' refuġjati fil-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa;

6.

Jiddispjaċih ferm dwar il-fatt li ma seta' jintlaħaq l-ebda kompromess sod fil-konċiljazzjoni biex jintuża l-ammont ta’ refużjoni mill-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2015 sabiex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati; jistenna madankollu li l-Istati Membri se jonoraw bis-sħiħ l-impenji preċedenti tagħhom;

7.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2015;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 8/2015 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

9.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 69, 13.3.2015, p. 1.

(3)  ĠU L 190, 17.7.2015, p. 1.

(4)  ĠU L 261, 7.10.2015.

(5)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(6)  ĠU L 103, 22.4.2015, p. 1.

(7)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(8)  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/169


P8_TA(2015)0405

Mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà għal miżuri baġitarji immedjati biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà għal miżuri baġitarji immedjati biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati, f'konformità mal-punt 12 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (COM(2015)0514 – C8-0308/2015 – 2015/2264(BUD))

(2017/C 366/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0514 – C8-0308/2015),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 tal-21 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3), u b'mod partikolari l-punt 12 tiegħu,

wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta' Ġunju 2015 (COM(2015)0300), kif emendat bl-Ittri Emendatorji Nri 1/2016 (COM(2015)0317) u 2/2016 (COM(2015)0513)

wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, adottata mill-Kunsill fl-4 ta' Settembru 2015 u mibgħuta lill-Parlament fis-17 ta' Settembru 2015 (11706/2015 – C8-0274/2015),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali għall-2016, adottata fit-28 ta' Ottubru 2015 (4),

wara li kkunsidra t-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fl-14 ta' Novembru 2015 (14195/2015 – C8-0353/2015),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0336/2015),

A.

billi, wara li ġew eżaminati l-possibilitajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonjiet ta' impenn taħt l-intestaturi 3 u 4, jidher li jeħtieġ li jiġi mmobilizzat l-Istrument ta' Flessibbiltà għall-approprjazzjonijiet ta' impenn;

B.

billi l-Kummissjoni pproponiet li timmobilizza l-Istrument ta' Flessibbiltà biex tikkomplementa l-finanzjament fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2016 b'EUR 1 504 miljun lil hinn mil-limitu massimu taħt l-intestatura 3 f'approprjazzjonijiet ta' impenn biex tiffinanzja miżuri skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni;

C.

billi, minbarra l-ammont finali ta' EUR 1 506 miljun lil hinn mil-limitu massimu taħt l-intestatura 3, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni li ltaqa' għall-baġit għall-2016 qabel mal-proposta tad-delegazzjoni tal-Parlament għall-mobilizzazzjoni ulterjuri tal-Istrument ta' Flessibbiltà b'EUR 24 miljun lil hinn mil-limitu massimu taħt l-intestatura 4, sabiex tiġi indirizzata d-dimensjoni esterna tal-isfidi tal-kriżi tar-refuġjati;

D.

billi l-ammont totali tal-Istrument ta' Flessibbiltà għas-sena finanzjarja 2016, li jinkludi l-ammonti mhux użati għas-snin finanzjarji 2014 u 2015, huwa għalhekk totalment eżawrit;

1.

Jinnota li l-limiti massimi għall-2016 għall-intestaturi 3 u 4 ma jippermettux għall-finanzjament xieraq ta' miżuri urġenti fil-qasam tal-migrazzjoni u r-refuġjati;

2.

Jaqbel, għalhekk, li l-Istrument ta' Flessibbiltà jiġi mmobilizzat għal ammont ta' EUR 1 530 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn;

3.

Jaqbel, barra minn hekk, mal-allokazzjoni proposta tal-approprjazzjonijiet korrispondenti ta' pagament ta' EUR 734,2 miljun fl-2016, EUR 654,2 miljun fl-2017, EUR 83 miljun fl-2018 u EUR 58,6 miljun fl-2019;

4.

Itenni li l-mobilizzazzjoni ta' dan l-istrument, kif previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-QFP, turi biċ-ċar għal darb'oħra l-bżonn kruċjali li l-baġit tal-Unjoni jkun aktar flessibbli; jinnota li dawn l-approprjazzjonijiet addizzjonali huma biss possibbli permezz tar-riport ta' ammonti li ma ntużawx mill-Istrumenti ta' Flessibbiltà tas-snin finanzjari 2014 u 2015; jissottolinja li l-ebda ammont mhu se jiġi riportat għas-sena finanzjarja 2017, b'hekk kwalunkwe mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà hija limitata għal-limitu massimu annwali tiegħu ta' EUR 471 miljun (prezzijiet tal-2011);

5.

Itenni l-opinjoni tiegħu, li ilu jħaddan li, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-approprjazzjonijiet ta' pagament jiġu mmobilizzati għal linji baġitarji speċifiċi permezz tal-Istrument ta' Flessibbiltà mingħajr mobilizzazzjonijiet preċedenti f'impenji, il-pagamenti li jirriżultaw minn impenji preċedentement immobilizzati permezz tal-Istrument ta' Flessibbiltà jkunu jistgħu jingħaddu biss oltre l-limiti massimi;

6.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)  ĠU L 103, 22.4.2015, p. 1.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)  Testi Adottati, P8_TA(2015)0376.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità għal miżuri baġitarji immedjati biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2016/253.)


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/171


P8_TA(2015)0406

Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE: pagament tal-avvanzi fil-baġit tal-2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, b'konformità mal-punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, għall-finijiet ta' pagament tal-avvanzi fil-qafas tal-baġit 2016 (COM(2015)0281 – C8-0133/2015 – 2015/2123(BUD))

(2017/C 366/26)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0281 – C8-0133/2015),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari tal-punt 11 tiegħu,

wara li kkunsidra t-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fl-14 ta' Novembru 2015 (14195/2015 – C8-0353/2015),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0335/2015),

A.

billi, skont l-Atikolu 4a(4) tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002, l-ammont ta' EUR 50 000 000 huwa disponibbli għall-pagament tal-avvanzi permezz ta' approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni,

1.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għall-ħlas ta’ pagamenti bil-quddiem

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2016/252.)


27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/172


P8_TA(2015)0407

Proċedura baġitarja 2016: test konġunt

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz konġunt ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fil-qafas tal-proċedura baġitarja (14195/2015 – C8-0353/2015 – 2015/2132(BUD))

(2017/C 366/27)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u d-dikjarazzjonijiet rilevanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (14195/2015 – C8-0353/2015),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta' Ġunju 2015 (COM(2015)0300),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, adottata mill-Kunsill fl-4 ta' Settembru 2015 u mibgħuta lill-Parlament fis-17 ta' Settembru 2015 (11706/2015 – C8-0274/2015),

wara li kkunsidra l-Ittri Emendatorji Nri 1/2016 (COM(2015)0317) u 2/2016 (COM(2015)0513) għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (1) u l-emendi baġitarji li tinkludi,

wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (4),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 90 u l-Artikolu 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni tiegħu għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni (A8-0333/2015),

1.

Japprova t-test konġunt miftiehem mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, li jikkonsisti fid-dokumenti li ġejjin meħudin flimkien:

lista ta' linji baġitarji mhux modifikati, meta mqabbla mal-abbozz tal-baġit jew il-pożizzjoni tal-Kunsill;

sommarju ta' figuri skont l-intestaturi tal-qafas finanzjarju;

figuri linja b'linja tal-partiti baġitarji kollha;

dokument konsolidat li juri l-figuri u t-test finali tal-linji kollha modifikati matul il-konċiljazzjoni;

2.

Jikkonferma d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jikkonferma id-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tal-Punt 27 tal-Ftehim Interistituzzjonali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0376.

(2)  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(5)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS

FINALI 14.11.2015

Baġit 2016 – Konklużjonijiet konġunti

Dawn il-konklużjonijiet konġunti jkopru t-taqsimiet li ġejjin:

1.

Baġit 2016

2.

Baġit 2015 – Baġit Emendatorju 8/2015

3.

Dikjarazzjonijiet konġunti

Deskrizzjoni fil-qosor

A.   Baġit 2016

Skont l-elementi għall-konklużjonijiet konġunti:

Il-livell globali ta' approprjazzjonijiet ta' impenn fil-baġit tal-2016 huwa stabbilit fl-ammont ta' EUR 155 004,2 miljun. B'mod ġenerali, dan iħalli marġini taħt il-limiti massimi tal-QFP għall-2016 ta' EUR 2 331,4 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn;

Il-livell globali ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit tal-2016 huwa stabbilit fl-ammont ta' EUR 143 885,3 miljun.

L-Istrument ta' Flessibilità għall-2016 hu mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 506 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn taħt l-intestatura 3 (Sigurtà u Ċittadinanza) u l-ammont ta' EUR 24,0 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn taħt l-intestatura 4 (Ewropa Globali).

L-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-2016 relatati mal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità għall-2014, l-2015 u l-2016 huma stmati mill-Kummissjoni li huma ta' madwar EUR 832,8 miljun.

B.   Baġit 2015

Skont l-elementi għall-konklużjonijiet konġunti:

L-Abbozz ta' Baġit Emendatorju 8/2015 huwa aċċettat kif propost mill-Kummissjoni

1.   Baġit 2016

1.1.   Linji “magħluqa”

Sakemm ma jingħadx mod ieħor hawn isfel f'dawn il-konklużjonijiet, il-linji baġitarji kollha li ma ġew emendati la mill-Kunsill u lanqas mill-Parlament, u dawk li għalihom il-Parlament aċċetta l-emendi tal-Kunsill matul il-qari rispettiv tagħhom, huma kkonfermati.

Għall-partiti baġitarji l-oħrajn, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ftiehem fuq il-konklużjonijiet inklużi fis-sezzjonijiet 1.2 għal 1.6 li jidhru hawn taħt.

1.2.   Kwistjonijiet orizzontali

Aġenziji deċentralizzati

Il-kontribuzzjoni tal-UE (f'approprjazzjonijiet ta' impenn u f'approprjazzjonijiet ta' pagament) u l-għadd ta' karigi għall-aġenziji deċentralizzati kollha huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fl-Abbozz ta' Baġit, kif emendati mill-Ittri Emendatorji 1 u 2/2016, b'dawn l-aġġustamenti maqbulin mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni:

Żieda tal-karigi fl-organigramma (iffinanzjati mit-tariffi) għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA Bijoċidi, + 3 karigi) u tnaqqis tal-approprjazzjonijiet b'EUR 1 350 000;

Żieda tal-karigi fl-organigramma (iffinanzjati mit-tariffi) għall-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA, + 6 karigi);

Żieda tal-karigi fl-organigramma (iffinanzjati mit-tariffi) għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA, + 3 karigi);

Żieda tal-karigi fl-organigramma u l-approprjazzjonijiet relatati għall-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER, + 5 karigi u + EUR 325 000);

Żieda tal-karigi fl-organigramma u l-approprjazzjonijiet relatati għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA, + 2 karigi u + EUR 130 000);

Żieda tal-karigi fl-organigramma u l-approprjazzjonijiet relatati għal Eurojust (+ 2 karigi u + EUR 130 000);

Żieda fl-approprjazzjonijiet għall-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA, + EUR 130 000);

Tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għall-Aġenzija għall-ġestjoni operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (eu.LISA, – EUR 260 000);

Aġenziji eżekuttivi

Il-kontribuzzjoni tal-UE (f'approprjazzjonijiet ta' impenn u f'approprjazzjonijiet ta' pagament) u l-għadd ta' karigi għall-aġenziji eżekuttivi huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fl-Abbozz ta' Baġit, kif emendati mill-Ittri Emendatorji 1 u 2/2016.

Proġetti Pilota/Azzjonijiet Preparatorji

Ġie miftiehem pakkett globali ta' 89 proġett pilota/azzjoni preparatorja (PP/PA), għal ammont ta' EUR 64,9 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn, kif propost mill-Parlament.

Meta proġett pilota jew azzjoni preparatorja tidher li hi koperta b'bażi ġuridika eżistenti, il-Kummissjoni tista' tipproponi t-trasferiment ta' approprjazzjonijiet għall-bażi ġuridika korrispondenti biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-azzjoni.

Dan il-pakkett jirrispetta għalkollox il-limiti massimi għall-proġetti pilota u għall-azzjonijiet preparatorji previsti fir-Regolament Finanzjarju.

1.3.   Intestaturi tal-infiq tal-qafas finanzjarju – approprjazzjonijiet ta' impenn

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq dwar il-linji baġitarji “magħluqa”, l-aġenziji u l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni wasal għal ftehim fir-rigward ta' dan li ġej:

Intestatura 1a

L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fl-Abbozz ta' Baġit, kif emendati permezz tal-Ittri Emendatorji 1 u 2/2016, li jintegraw l-aġġustamenti li ġejjin miftiehma fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni:

L-impenji għal “H2020” żdiedu hekk kif jidher:

f'EUR

Linja baġitarja

Isem

AB 2016 (inkl. IE 1&2)

Baġit 2016

Differenza

02 04 02 01

Rwol ta' tmexxija fl-ispazju

158 446 652

159 792 893

1 346 241

02 04 02 03

Żieda tal-innovazzjoni fl-intrapriżi żgħar u medji (SMEs)

35 643 862

35 738 414

94 552

02 04 03 01

Kisba ta' ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u reżiljenti għat-tibdil fil-klima u provvista sostenibbli ta' materja prima

74 701 325

75 016 498

315 173

05 09 03 01

Żgurar ta' provvisti suffiċjenti ta' ikel sikur u ta' kwalità għolja u prodotti oħra b'bażi bijo

212 854 525

214 205 269

1 350 744

06 03 03 01

Kisba ta' sistema tat- trasport Ewropea effiċjenti fir-riżorsi, tiffavorixxi l-ambjent, sikura u assjematika

109 250 820

110 916 737

1 665 917

08 02 01 03

Tisħiħ tal-infrastruttura Ewropea tar-riċerka, inklużi l-infrastrutturi elettroniċi

183 108 382

183 905 321

796 939

08 02 02 01

Tmexxija fin-nanoteknoloġiji, materjali avvanzati, teknoloġija tal-lażer, bijotek- noloġija u manifatturar u proċessar avvanzati

502 450 912

504 175 361

1 724 449

08 02 02 03

Żieda fl-innovazzjoni tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs)

35 967 483

36 120 567

153 084

08 02 03 01

Titjib tas-saħħa u l-benesseri matul il-ħajja

522 476 023

524 745 272

2 269 249

08 02 03 02

Assikurazzjoni ta' provvisti suffiċjenti ta' ikel sikur, tajjeb għas-saħħa u ta' kwalità għolja u prodotti b'bażi bijoloġika oħrajn

141 851 093

142 233 804

382 711

08 02 03 03

Twettiq tat-tranżizzjoni għal sistema enerġetika affidabbli, sostenibbli u kompe- tittiva

333 977 808

335 369 074

1 391 266

08 02 03 04

Kisba ta' sistema tat-trasport Ewropea effiċjenti fir-riżorsi, tiffavorixxi l-ambjent, sikura u assjematika

330 992 583

331 555 393

562 810

08 02 03 05

Kisba ta' ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u reżiljenti għat-tibdil fil-klima u provvista sostenibbli ta' materja prima

283 265 173

284 530 369

1 265 196

08 02 03 06

Trawwim ta' soċjetajiet Ewropej inklussivi, innovattivi u riflettivi

111 929 624

112 411 389

481 765

08 02 06

Xjenza mas-soċjetà u għaliha

53 267 640

53 497 266

229 626

09 04 01 01

Tisħiħ tar-riċerka fit-teknoloġiji futuri u emerġenti

213 825 023

215 400 890

1 575 867

09 04 01 02

Tisħiħ tal-infrastruttura Ewropea tar-riċerka, inklużi l-infrastrutturi elettroniċi

97 173 367

97 889 261

715 894

09 04 02 01

Rwol ta' tmexxija fit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni

718 265 330

723 681 812

5 416 482

09 04 03 01

Titjib tas-saħħa u l-benesseri matul il-ħajja

117 323 526

118 188 002

864 476

09 04 03 02

Trawwim ta' soċjetajiet Ewropej inklużivi, innovattivi u riflessivi

36 289 820

36 564 471

274 651

09 04 03 03

Trawwim ta' soċjetajiet Ewropej sikuri

45 457 909

45 791 092

333 183

10 02 01

Orizzont 2020 — Appoġġ xjentiku u tekniku xprunat mill-klijent lill-politiki tal-Unjoni

24 646 400

25 186 697

540 297

15 03 05

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t- Teknoloġija – integrazzjoni tat-triangolu tal- għarfien tal-edukazzjoni ogħla, riċerka u innovazzjoni

219 788 046

224 938 881

5 150 835

18 05 03 01

Trawwim ta' soċjetajiet Ewropej sikuri

134 966 551

136 092 171

1 125 620

32 04 03 01

Twettiq tat-tranżizzjoni għal sistema enerġetika affidabbli, sostenibbli u kompetittiva

322 875 370

324 676 361

1 800 991

 

Total

 

 

31 828 018

L-impenji għall-“COSME” ġew miżjudin hekk kif jidher:

f'EUR

Linja baġitarja

Isem

AB 2016 (inkl. IE 1&2)

Baġit 2016

Differenza

02 02 01

Promozzjoni tal-intraprenditorija u titjib tal-kompetittività u l-aċċess għas-swieq għall-intrapriżi tal-Unjoni

108 375 000

110 264 720

1 889 720

02 02 02

Titjib tal-aċċess għal finanzjament għal intrapriżi żgħar u medji (SMEs) fil-forma ta' ekwità u dejn

160 447 967

172 842 972

12 395 005

 

Total

 

 

14 284 725

L-impenji għall-“ERASMUS+” ġew miżjudin hekk kif jidher:

f'EUR

Linja baġitarja

Isem

DB 2016 (inkl. IE 1&2)

Baġit 2016

Differenza

15 02 01 01

Promozzjoni tal-eċċellenza u l-kooperazzjoni fil-qasam Ewropew tal-edukazzjoni u t-taħriġ u r-relevanza tiegħu għas-suq tax-xogħol

1 451 010 600

1 457 638 273

6 627 673

 

Total

 

 

6 627 673

B'konsegwenza ta' dan, u wara li jitqiesu l-aġenziji deċentralizzati u l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji, il-livell ta' impenji maqbul huwa stabbilit għal EUR 19 010,0 miljun, mingħajr ebda marġini taħt il-limitu massimu tal-infiq tal-intestatura 1a u l-użu tal-Marġini Globali għall-Impenji għal ammont ta' EUR 543 miljun.

Intestatura 1b

L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost fl-Abbozz ta' Baġit, kif emendati permezz tal-Ittri Emendatorji 1 u 2/2016.

Filwaqt li jitqiesu l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji, il-livell ta' impenji maqbul huwa stabbilit għal EUR 50 831,2 miljun, li jħalli marġini ta' EUR 5,8 miljun taħt il-limitu massimu tal-infiq tal-intestatura 1b.

Intestatura 2

L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fl-Abbozz ta' Baġit, kif emendati permezz tal-Ittri Emendatorji 1 u 2/2016, b'tnaqqis ulterjuri ta' EUR 140,0 miljun minħabba d-dħul assenjat miżjud għall-EAGF u ż-żieda fil-linja baġitarja 11 06 62 01. Bħala konsegwenza ta' dan, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni wasal għal ftehim fir-rigward ta' dan li ġej:

f'EUR

Linja baġitarja

Isem

AB 2016 (inkl. IE 1&2)

Baġit 2016

Differenza

05 03 01 10

Skema ta' pagament bażiku (BPS)

16 067 000 000

15 927 000 000

- 140 000 000

11 06 62 01

Konsulenza u għarfien xjentifiku

8 485 701

8 680 015

194 314

 

Total

 

 

- 139 805 686

Filwaqt li jitqiesu l-aġenziji deċentralizzati u l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji, il-livell ta' impenji maqbul huwa stabbilit għal EUR 62 484,2 miljun, li jħalli marġini ta' EUR 1 777,8 miljun taħt il-limitu massimu tal-infiq tal-intestatura 2.

Intestatura 3

L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fl-Abbozz ta' Baġit, kif emendati permezz tal-Ittri Emendatorji 1 u 2/2016, li jintegraw l-aġġustament miftiehem fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni:

f'EUR

Linja baġitarja

Isem

DB 2016 (inkl. IE 1&2)

Baġit 2016

Differenza

09 05 05

Azzjonijiet ta' Multimedia

24 186 500

26 186 500

2 000 000

17 04 01

Żgurar ta' stat aħjar tas-saħħa tal-annimali u livell ogħla ta' protezzjoni tal-annimali fl-Unjoni

177 000 000

171 925 000

-5 075 000

17 04 02

Żgurar tad-detezzjoni propizja ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti u l-eradikazzjoni tagħhom

14 000 000

12 000 000

-2 000 000

17 04 03

Żgurar ta' kontrolli effikaċi, effiċjenti u affidabbli

50 401 000

47 401 000

-3 000 000

17 04 04

Fond għal miżuri ta' emerġenzi b'rabta mas-saħħa tal-annimali u l-pjanti

20 000 000

19 000 000

-1 000 000

 

Total

 

 

-9 075 000

B'konsegwenza ta' dan, u wara li jitqiesu l-aġenzji deċentralizzati, il-proġetti pilota, l-azzjonijiet preparatorji u l-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità għall-migrazzjoni, il-livell ta' impenji maqbul huwa stabbilit għal EUR 4 052,0 miljun, mingħajr ebda marġini taħt il-limitu massimu tal-infiq tal-intestatura 3 u l-mobilizzazzjoni ta' EUR 1 506,0 miljun permezz għall-Istrument ta' Flessibilità.

Intestatura 4

L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fl-Abbozz ta' Baġit, kif emendati permezz tal-Ittri Emendatorji 1 u 2/2016, li jintegraw l-aġġustamenti li ġejjin miftiehma fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni:

f'EUR

Linja baġitarja

Isem

AB 2016 (inkl. IE 1&2)

Baġit 2016

Differenza

13 07 01

Sostenn finanzjarju biex jitħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Ċiprijotta Torka

31 212 000

33 212 000

2 000 000

21 02 07 03

L-ivilupp tal-bniedem

161 633 821

163 633 821

2 000 000

21 02 07 04

L-ikel u s-sigurtà tan-nutrizzjoni u l-agrikoltura sostenibbli

187 495 232

189 495 232

2 000 000

21 02 07 05

Il-migrazzjoni u l-ażil

45 257 470

57 257 470

12 000 000

22 02 01 01

Sostenn għar-riformi politiki u allinjament progressiv relatat mal-acquis tal-Unjoni

188 000 000

190 000 000

2 000 000

22 02 01 02

Sostenn għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali u allinjament progressiv relatat mal-acquis tal-Unjoni

326 960 000

327 960 000

1 000 000

22 02 03 01

Sostenn għar-riformi politiki u allinjament progressiv relatat mal-acquis tal-Unjoni

240 300 000

255 300 000

15 000 000

22 02 03 02

Sostenn għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali u allinjament progressiv relatat mal-acquis tal-Unjoni

321 484 000

340 484 000

19 000 000

22 04 01 01

Pajjiżi Mediterranji — governanza tajba, drittijiet tal-bniedem u mobilità

135 000 000

144 000 000

9 000 000

22 04 01 02

Pajjiżi Mediterranji — Tnaqqis tal-faqar u żvilupp sostenibbli

636 900 000

640 900 000

4 000 000

22 04 01 03

Pajjiżi Mediterranji — Ħolqien ta' fiduċja, sigurtà u l-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta' konflitti

116 000 000

131 000 000

15 000 000

22 04 01 04

Sostenn għall-proċess ta' paċi u assistenza finanzjarja lill-Palestina u l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-rifuġjati tal-Palestina (UNRWA)

272 100 000

290 100 000

18 000 000

22 04 02 03

Sħubija tal-Lvant — Ħolqien ta' fiduċja, sigurtà u l-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta' konflitti

8 000 000

9 300 000

1 300 000

22 04 03 03

Sostenn lil kooperazzjoni multinazzjonali fil-viċinat — Programm “umbrella”

189 500 000

193 500 000

4 000 000

23 02 01

Konsenja ta' għajnuna umanitarja u għajnuna alimentari rapidi, effikaċi u bżonnjużi

1 035 818 000

1 061 821 941

26 003 941

 

Total

 

 

132 303 941

B'konsegwenza ta' dan, u wara li jitqiesu l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji, il-livell ta' impenji maqbul huwa stabbilit għal EUR 9 167,0 miljun, mingħajr ebda marġini taħt il-limitu massimu tal-infiq tal-intestatura 4 u l-mobilizzazzjoni ta' EUR 24,0 miljun permezz tal-Istrument ta' Flessibilità.

Intestatura 5

L-għadd ta' karigi fl-organigrammi tal-Istituzzjonijiet u l-approprjazzjonijiet proposti mill-Kummissjoni fl-Abbozz ta' Baġit (AB), kif emendat mill-Ittri Emendatorji 1 u 2/2016 huma approvati, b'dawn l-eċċezzjoniiet:

Il-Parlament Ewropew, li għalih il-qari hu approvat, b'tnaqqis ta' 9 karigi;

Il-Kunsill, li għalih il-qari hu approvat,

Il-Qorti tal-Ġustizzja, vl-għoti ta' 7 karigi addizzjonali (+ EUR 300 000);

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, li għalihom il-qari tal-Parlament Ewropew hu approvat.

Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni mistennija tapprova r-rapport fuq l-impatt baġitarju tal-aġġornament salarjali tal-2015, li ser ikollu effett retroattiv sa mill-1 ta' Lulju 2015 fuq ir-remunerazzjonijiet tal-istaff tal-istituzzjonijiet tal-UE kollha u fuq il-pensjonijiet.

B'konsegwenza ta' dan, u wara li jitqiesu l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji, il-livell ta' impenji maqbul huwa stabbilit għal EUR 8 935,2 miljun, li jħalli marġini ta' EUR 547,8 miljun taħt il-limitu massimu tal-infiq tal-intestatura 5.

Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fl-Abbozz ta' Baġit, kif emendati permezz tal-Ittri Emendatorji 1 u 2/2016, inkluża l-mobilizzazzjoni ta' EUR 50 miljun tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għall-ħlas tal-avvanzi.

1.4.   Approprjazzjonijiet ta' Pagament

Il-livell globali ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit tal-2016 huwa stabbilit fl-ammont ta' EUR 143 885,3 miljun, inklużi EUR 832,8 miljun relatati mal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità.

It-tqassim tal-approprjazzjonijiet ta' pagament huwa stabbilit fil-livell propost mill-Kummissjoni fl-Abbozz ta' Baġit, kif emendat permezz tal-Ittri Emendatorji 1 u 2/2016, li jintegraw l-aġġustamenti li ġejjin miftiehma fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni:

1.

L-ewwelnett, qed jittieħed kont tal-livell tal-approprjazzjonijiet ta' impenji miftiehem għan-nefqa mhux differenzjata, li għaliha l-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament huwa ugwali għal-livell ta' impenji; L-istess japplika għall-aġenziji deċentralizzati, li l-kontribuzzjoni tal-UE għalihom fl-approprjazzjonijiet ta' pagament hija stabbilita fil-livell propost fit-Taqsima 1.2 hawn fuq. L-effett ikkombinat hu tnaqqis ta' EUR 140,0 miljun;

2.

L-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-proġetti pilota u għall-azzjonijiet preparatorji ġodda kollha huma stabbiliti fil-livell ta' 50 % tal-approprjazzjonijiet ta' impenn korrispondenti jew fil-livell propost mill-Parlament jekk ikun aktar baxx. Fil-każ ta' estensjoni tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji eżistenti, il-livell ta' pagamenti huwa dak definit fl-Abbozz ta' Baġit flimkien ma' 50 % tal-impenji ġodda korrispondenti, jew il-livell propost mill-Parlament jekk ikun aktar baxx. L-effett ikkombinat hu tnaqqis ta' EUR 29,5 miljun;

3.

In-nefqa tal-approprijazzjonijet ta' pagament tnaqqsu b'EUR 460,1 miljun kif jidher:

f'EUR

Linja baġitarja

Isem

AB 2016 (inkl. IE 1&2)

Baġit 2016

Differenza

02 05 01

Żvilupp u forniment ta' infrastrutturi u servizzi globali tar-radjunavigazzjoni bis-satellita (Galileo) sal-2020

308 000 000

297 000 000

-11 000 000

02 05 02

Forniment ta' servizzi b'bażi satellitari b'titjib tal-prestazzjoni tal-GPS biex gradwalment ikun kopert ir-reġjun kollu tal-Konferenza Ewropea tal-AvjazzjoniĊivili (ECAC) sal- 2020 (EGNOS)

215 000 000

207 000 000

-8 000 000

02 05 51

Tlestija ta' programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo)

17 000 000

16 000 000

-1 000 000

02 06 01

It-twassil ta' servizzi operazzjonali li jistrieħu fuq osservazzjonijiet mill-ispazju u data in situ (Copernicus)

125 000 000

121 000 000

-4 000 000

02 06 02

Il-bini ta' kapaċità awtonoma tal-osservazzjoni tad-Dinja mill-Unjoni (Copernicus)

475 000 000

459 000 000

-16 000 000

04 02 19

Tlestija tal-Fond Soċjali Ewropew — Kompetittività reġjonali u impjiegi (2007 sa 2013)

1 130 000 000

1 109 595 811

-20 404 189

04 02 61

Fond Soċjali Ewropew — Reġjuni fi tranżizzjoni — Investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi

930 000 000

927 965 850

-2 034 150

04 02 62

Fond Soċjali Ewropew — Reġjuni aktar żviluppati — Investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi

2 200 000 000

2 178 091 258

-21 908 742

04 02 63 01

Fond Soċjali Ewropew — Assistenza teknika operazzjonali

12 000 000

7 200 000

-4 800 000

05 04 05 01

Programmi ta' żvilupp rurali

3 268 000 000

3 235 000 000

-33 000 000

05 04 60 01

Promozzjoni ta' żvilupp rurali sostenibbli, aktar bilanċjat territorjalment u ambjentalment, settur agrikolu tal-Unjoni aktar favorevoli għall-klima u innovattiv

8 574 000 000

8 487 000 000

-87 000 000

13 03 18

Tlestija tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) — Kompetittività reġjonali u impjiegi

2 345 348 000

2 302 998 509

-42 349 491

13 03 61

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) — Reġjuni fi tranżizzjoni — Investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi

1 863 122 000

1 860 036 800

-3 085 200

13 03 62

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) — Reġjuni aktar żviluppati — Investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi

2 775 630 000

2 750 605 336

-25 024 664

13 03 64 01

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) — Kooperazzjoni Territorjali Ewropea

328 430 000

284 930 000

-43 500 000

13 03 65 01

Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) — Assistenza Teknika operattiva

66 215 941

57 415 941

-8 800 000

13 03 66

Fond Ewropew għall- Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)— Azzjonijiet ta' innovazzjoni fil-qasam tal-iżvilupp urban soste- nibbli

53 149 262

48 649 262

-4 500 000

13 04 01

Tlestija tal-proġetti tal-Fond ta' Koeżjoni (ta' qabel l-2007)

90 000 000

70 000 000

-20 000 000

13 04 60

Fond ta' Koeżjoni — Investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi

4 100 000 000

4 077 806 436

-22 193 564

13 04 61 01

Fond ta' Koeżjoni — Assistenza teknika operazzjonali

22 106 496

20 606 496

-1 500 000

32 05 01 02

Kostruzzjoni, operazzjoni u sfruttar tal-faċilitajiet ITER — Impriża Konġunta Ewropea għal ITER — Fużjoni għall-Enerġija (F4E)

150 000 000

131 000 000

-19 000 000

32 05 51

Tlestija tal-Impriża Konġunta Ewropea ITER — Fużjoni għall-Enerġija (F4E) (2007 sa 2013)

350 000 000

289 000 000

-61 000 000

 

Total

 

 

- 460 100 000

4.

Il-livell kombinat ta' approprjazzjonijiet ta' pagament stabbilit fil-paragrafi 1-3 aktar 'il fuq hu ta' EUR 570,6 miljun anqas minn dak propost mill-Kummissjoni fl-Abbozz ta' Baġit tagħha, kif emendat permezz tal-Ittri Emendatorji 1 u 2/2016 għall-partiti tan-nefqa kkonċernati.

1.5.   Kummenti baġitarji

Hemm qbil fuq l-emendi introdotti mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill lit-test tal-kummenti baġitarji, sakemm dawn ma jimmodifikawx jew jestendu l-ambitu ta' bażi ġuridika eżistenti, ma jkollhomx effett fuq l-awtonomija amministrattiva tal-istituzzjonijiet, jikkawżaw diffikultajiet operazzjonali jew ma jkunux jistgħu jiġu koperti minn riżorsi disponibbli (hekk kif indikat fl-anness tal-ittra ta' eżegwibilità).

1.6.   Linji baġitarji ġodda

Ħlief jekk indikat mod ieħor fil-konklużjonijiet konġunti li qabel fuqhom il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jew miftiehem b'mod konġunt miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja fil-qari rispettiv tagħhom, in-nomenklatura baġitarja kif proposta mill-Kummissjoni fl-Abbozz ta' Baġit, kif emendata mill-Ittri Emendatorji 1 u 2/2016 ser tibqa' kif inhi, bl-eċċezzjoni ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji u l-frid tal-artikolu 18 04 01 Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej f'żewġ partiti: 18 04 01 01 Ewropa għaċ-Ċittadini — Tisħiħ tal-kommemorazzjoni u t-titjib tal-kapaċità għall-parteċipazzjoni ċivika fil-livell tal-Unjoni u 18 04 01 02 Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.

2.   Baġit 2015

L-Abbozz ta' Baġit Emendatorju 8/2015 huwa aċċettat kif propost mill-Kummissjoni

3.   Dikjarazzjonijiet konġunti

3.1.   Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru li t-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa’ prijorità politika għolja u kondiviża, u għal dan l-għan huma jaffermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom li jagħmlu l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi baġitarji disponibbli biex dan jiġi indirizzat, u b’mod partikolari l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI).

Huma jfakkru li, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 ‘Il-marġini li għadhom disponibbli taħt il-limitu massimu tal-QFP għal approprjazzjonijiet ta' impenn għas-snin 2014-2017 għandhom jikkostitwixxu Marġini Globali tal-QFP għall-impenji, li għandhom isiru disponibbli barra mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għas-snin 2016 sa 2020 għal għanijiet ta' politika marbuta mat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ’.

Fil-qafas tar-rieżami/reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-QFP, il-Kummissjoni ser tislet tagħlimiet mir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, akkumpanjat, kif xieraq, minn proposti għall-kontinwazzjoni tal-inizjattiva sal-2020.

Il-Kunsill u l-Parlament jimpenjaw ruħhom li b'ħeffa, jeżaminaw il-proposti mressqa mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.”

3.2.   Dikjarazzjoni konġunta dwar previżjoni tal-pagamenti għall-2016-2020

“Filwaqt li jibnu fuq il-ftehim eżistenti dwar pjan ta’ pagamenti għall-2015-2016, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jirrikonoxxu l-passi meħuda biex gradwalment titneħħa l-akkumulazzjoni ta’ talbiet għall-pagamenti pendenti mill-programmi ta’ koeżjoni 2007-2013, u biex jitjieb il-monitoraġġ ta’ kwalunkwe akkumulazzjoni ta’ kontijiet mhux imħallsa fl-intestaturi kollha. Huma jtennu l-impenn tagħhom biex jiġi evitat akkumulu simili ta' xogħol b'lura fil-futur, inkluż permezz tat-twaqqif ta’ sistema ta’ twissija bikrija.

Matul is-sena, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ser jissorveljaw b'mod attiv l-istat ta' implimentazzjoni tal-baġit għall-2016, f'konformità mal-pjan ta' pagamenti maqbul; b'mod partikolari l-approprjazzjonijiet provduti fil-baġit għall-2016 ser jippermettu lill-Kummissjoni li tnaqqas l-akkumulazzjoni ta' talbiet għal pagamenti pendenti fi tmiem is-sena għall-programmi ta’ koeżjoni 2007-2013 għal-livell ta' madwar EUR 2 biljun sat-tmiem l-2016.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ser ikomplu jieħdu rendikont tal-implimentazzjoni ta’ pagamenti u l-previżjonijiet aġġornati f’laqgħat interistituzzjonali speċifiċi, f’konformità mal-Punt 36 tal-Anness għall-Ftehim Interistituzzjonali, li għandhom isiru tal-anqas tliet darbiet fl-2016 fil-livell politiku.''

F’dak il-kuntest, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni jfakkru li dawn il-laqgħat għandhom jindirizzaw ukoll il-previżjonijiet fit-tul dwar l-evoluzzjoni mistennija tal-pagamenti sa tmiem il-QFP 2014-2020.”

3.3.   Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tal-Punt 27 tal-Ftehim Interistituzzjonali

Il-Parlament Ewropew huwa impenjat biex ikompli jnaqqas l-għadd totali ta' karigi fl-organigramma tiegħu u jtemm dan il-proċess sal-2019, skont l-iskeda ta' żmien li ġejja, filwaqt li jqis li se jsir tnaqqis nett ta' 18-il kariga fl-2016:

Tnaqqis nett annwali fl-għadd totali ta' karigi awtorizzati fl-organigramma tal-Parlament Ewropew meta mqabbel mas-sena ta' qabel

Tnaqqis pendenti sabiex tintlaħaq il-mira ta' 5 % (1)

2017

2018

2019

2017-2019

179

-60

-60

-59

-179


(1)  Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-kamp ta' applikazzjoni tat-tnaqqis ta' 5 % jeskludi karigi temporanji tal-gruppi politiċi identifikati fl-organigramma tiegħu.