ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 327

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 60
29 ta' Settembru 2017


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 327/01

Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ikel minħabba kwistjonijiet ta’ differenzi fil-kwalità tal-istess prodotti — Il-każ speċifiku tal-ikel

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 327/02

Rata tal-kambju tal-euro

8

2017/C 327/03

Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

9

2017/C 327/04

Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

10


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 327/05

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8623 — Borealis/OTPP/SSE/Maple) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

11


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

29.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/1


Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ikel minħabba kwistjonijiet ta’ differenzi fil-kwalità tal-istess prodotti — Il-każ speċifiku tal-ikel

(2017/C 327/01)

Il-moviment liberu tal-merkanzija huwa waħda mill-erba’ libertajiet fundamentali tas-Suq Uniku. Is-Suq Uniku fil-prodotti jħeġġeġ l-innovazzjoni fis-swieq tal-prodotti filwaqt li jikkontribwixxi għal aktar opportunitajiet għan-negozji u jippermetti aktar għażla għall-konsumaturi madwar l-Ewropa.

Il-moviment liberu tal-merkanzija ma jfissirx neċessarjament li kull prodott għandu jkun identiku f’kull rokna tas-Suq Uniku. Filwaqt li l-konsumaturi huma liberi li jixtru l-prodotti tal-għażla tagħhom, l-operaturi kummerċjali wkoll huma liberi li jikkummerċjalizzaw u jbigħu oġġetti b’kompożizzjoni jew karatteristiċi differenti, sakemm jirrispettaw għalkollox il-leġiżlazzjoni tal-UE (kemm jekk dwar is-sikurezza tal-prodotti, l-ittikkettar jew leġiżlazzjoni oħra orizzontali jew settorjali). Sabiex jirnexxu, in-negozji jridu jadattaw u jinnovaw kontinwament il-prodotti tagħhom, iwieġbu għal xejriet differenti fid-domanda, kwistjonijiet loġistiċi u teknoloġiji emerġenti. Anke l-prodotti taħt l-istess marka jista’ jkollhom karatteristiċi differenti, minħabba fatturi leġittimi bħal l-post tal-manifattura jew il-preferenzi tal-konsumatur fir-reġjuni destinatarji. Madankollu, dak li jista’ jkun sors ta’ tħassib huwa meta’ kompożizzjonijiet differenti ta’ prodotti tal-marka identiċi jiġu kkumerċjalizzati b’mod li jista’ potenzjalment iqarraq bil-konsumatur.

L-UE żviluppat qafas leġiżlattiv komprensiv biex jitħarsu d-drittijiet tal-konsumatur. Protezzjoni effettiva tal-konsumatur hija essenzjali għal suq effiċjenti u li jiffunzjona tajjeb. Dan il-qafas jinkludi l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra informazzjoni u prattiki kummerċjali qarrieqa.

Il-kwistjoni ta’ differenzi fil-kwalità ta’ ċerti prodotti identiċi (1), u b’mod partikolari prodotti tal-ikel, hija sors ta’ tħassib li qiegħed dejjem jikber. F’Marzu 2017, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-azzjoni tal-Kummissjoni biex tieħu aktar azzjoni dwar din il-kwistjoni. Kif enfasizzat b’mod ċar mill-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni (2), f’Unjoni ta’ ugwali, ma jistax jkun hemm konsumaturi tat-tieni klassi u ma jistax ikun aċċettabbli li “f’xi nħawi tal-Ewropa, il-persuni jinbigħilhom ikel ta’ kwalità inferjuri minn dik ta’ pajjiżi oħra, minkejja li l-imballaġġ u l-immarkar ikunu l-istess”. Il-Kummissjoni qiegħda tieħu azzjoni pożittiva f’diversi fronti bl-għan li tiġi restawrata l-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fis-Suq Uniku, u ddeċidiet li tiffoka l-ewwel fuq il-qasam tal-ikel.

Din l-azzjoni tgħaqqad djalogu mal-partijiet ikkonċernati u passi prattiċi biex jippermettu li jittieħdu miżuri konkreti mill-awtoritajiet responsabbli. Wara d-diskussjoni fil-Kunsill Ewropew f’Marzu 2017, il-Kummissjoni ressqet il-kwistjoni quddiem il-Forum ta’ Livell Għoli għal funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista tal-ikel, sabiex ikun hemm djalogu bejn l-industrija, il-konsumaturi u l-awtoritajiet nazzjonali Dan id-djalogu se jkompli fix-xhur li ġejjin. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ilha taħdem fuq miżuri konkreti biex tiżgura evidenza affidabbli u komparabbli, ibda mill-qasam tal-ikel. Iċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka qed jaħdem fuq linji gwida għal metodoloġija komuni tal-ittestjar, u pass’il quddiem lejn testijiet komparabbli u awtorevoli madwar l-Ewropa. Dan huwa essenzjali biex jiġi evalwat il-kobor tal-kwistjoni, u biex tingħata bażi soda ta’ provi meħtieġa għall-azzjoni li għandha tittieħed.

Pass ieħor lejn iċ-ċarezza u t-trasparenza jkun li tingħata informazzjoni dwar il-kontenut eżatt ta’ prodott. Fil-qasam tal-ikel, il-Kummissjoni qiegħda tiddiskuti ma’ negozji, b’mod partikolari l-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut, dwar kif għandha tiġi żgurata trasparenza sħiħa fil-kompożizzjoni tal-prodott (lil hinn mill-obbligi legali attwali). Għażla waħda li qiegħda tiġi esplorata hija dwar Kodiċi ta’ Kondotta għall-produtturi, biex jistabbilixxu standards li għandhom jiġu rispettati biex ma jkunx hemm problemi ta’ differenzi fil-kwalità tal-istess prodotti. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni ilha tħares lejn l-infurzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ikel.

Dan l-Avviż jikkontribwixxi għal din l-istrateġija globali u jfittex li jiffaċilità l-applikazzjoni prattika tal-liġi eżistenti. Diversi liġijiet tal-UE huma rilevanti biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-differenzi fil-kwalità tal-istess prodotti. Fil-każ partikolari tal-prodotti tal-ikel, li huma l-enfasi ta’ dan l-Avviż, dawn jinkludu”

ir-“Regolament tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel” (3), li għandu l-għan li jiżgura li prodotti tal-ikel sikuri biss jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-UE u li l-konsumaturi jiġu mgħarrfa b’mod preċiż u ma jkunx hemm qerq dwar il-kompożizzzjoni u l-karatteristiċi tal-prodotti tal-ikel offruti għall-bejgħ;

ir-“Regolament dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi” (4), li jistabbilixxi regoli u rekwiżiti ġenerali dwar l-ittikkettar, inkluż l-għotja obbligatorja ta’ lista sħiħa tal-ingredjenti bl-għan li l-konsumaturi jkunu infurmati bis-sħiħ bil-kompożizzjoni tal-prodotti tal-ikel (5);

id-“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali” (6), li tassigura li l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa jew esposti għal reklamar aggressiv u li kull dikjarazzjoni magħmula minn kummerċjanti fl-UE tkun ċara, preċiża u sostanzjata. Hija għandha l-għan li tippermetti lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati u sinifikattivi. Din id-Direttiva orizzontali tapplika għal ħafna prattiki kummerċjali li wkoll huma regolati minn leġiżlazzjoni tal-UE ġenerali oħra jew speċifika għas-settur, bħal l-ikel, il-ġugarelli, il-kożmetiċi, id-deterġenti u oħrajn, iżda biss għal dawk l-aspetti li mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni settorjali.

Huwa r-rwol tal-Istati Membri, u b’mod partikolari l-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur u tal-ikel, biex jiżguraw konformità mal-acquis tal-UE dwar il-konsumatur u jeżegwixxu l-leġiżlazzjoni dwar il-konsumatur u l-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza u l-ittikkettjar tal-ikel fil-livell nazzjonali. Madankollu, l-Kummissjoni hija impenjata li tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali billi tipprovdi l-appoġġ u l-gwida meħtieġa. Dan l-Avviż jiċċara l-qafas leġiżlattiv rilevanti sabiex jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali l-għodda u l-indikaturi biex ikun żgurat infurzar xieraq. Għandu jitqies bħala l-ewwel pass tal-azzjoni tal-Kummissjoni biex tappoġġja lill-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali fl-isforzi tagħhom biex jintemmu l-prattiki żleali. L-Avviż jista’ jiġi aġġornat fid-dawl ta’ evidenza ġdida bbażata fuq il-metodoloġija komuni tal-ittestjar, u dwar prodotti li mhumiex ikel.

1.   Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni ġusta skont ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011

Skont ir-rekwiżit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 dwar il-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, fejn il-liġi dwar l-ikel għandha timmira lejn il-prevenzjoni ta’ prattiki li jqarrqu bil-konsumaturi, ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (ir-Regolament dwar l-Informazzjoni dwar l-Ikel) jistabbilixxi qafas legali komprensiv bl-għan li jiżgura mhux biss livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-konsumaturi u tal-interessi soċjali u ekonomiċi tagħhom, iżda wkoll il-moviment liberu ta’ ikel sikur u bnin fis-Suq Uniku tal-UE.

Għal dan il-għan, ir-Regolament dwar l-Informazzjoni fuq l-Ikel jintroduċi prinċipju ġenerali fejn l-informazzjoni dwar l-ikel ma għandhiex tkun qarrieqa, b’mod partikolari:

fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ikel u, b’mod partikolari, fir-rigward tan-natura tiegħu, l-identità, il-proprjetajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-durabbiltà, il-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza, il-metodu ta’ fabbrikazzjoni jew produzzjoni, u

billi permezz tal-apparenza, id-deskrizzjoni jew ir-rappreżentazzjonijiet bl-istampi, tiġi ssuġġerita l-preżenza ta’ ikel jew ta’ ingredjent partikolari, filwaqt li fir-realtà xi komponent preżenti b’mod naturali jew ingredjent normalment użat f’dak l-ikel ikun ġie sostitwit b’komponent differenti jew ingredjent differenti.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll lista ta’ informazzjoni obbligatorja li fil-prinċipju għandha tingħata għal kull tip ta’ ikel: b’mod partikolari l-isem tal-ikel, il-lista ta’ ingredjenti, il-kwantità ta’ ċerti ingredjenti jew kategoriji ta’ ingredjenti, informazzjoni dwar l-allerġeni, dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni eċċ. L-informazzjoni dwar l-ikel għandha tkun preċiża, ċara u faċli biex tinftiehem mill-konsumatur. Għal dan il-għan, ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni obbligatorja, inkluż id-daqs minimu tat-tipa.

Is-servizzi tal-Kummissjoni ħadmu b’mod estensiv mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jitrawwem fehim komuni u tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli tar-Regolament tal-Informazzjoni dwar l-Ikel u bħalissa qed jorqmu l-avviż li dalwaqt se jiġi adottat mill-Kummissjoni. Inħarġet gwida speċifika fir-rigward ta’ informazzjoni dwar sustanzi jew prodotti li jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi permezz tal-Avviż tal-Kummissjoni C(2017) 4864 finali tat-13 ta’ Lulju 2017.

Għall-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar, il-verifika rispettiva tar-Regolament tal-Informazzjoni dwar l-Ikel għandha għalhekk tkun l-ewwel pass fl-investigazzjoni tal-konformità tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti.

2.   Prattiki ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ prodotti skont id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali 2005/29/KE (id-DPKŻ)

L-interazzjoni mal-liġi tal-ikel u b’mod partikolari r-Regolament dwar l-Informazzjoni dwar l-Ikel — il-prinċipju tal-lex specialis u l-impatt tiegħu fuq l-infurzar

Permezz tal-prinċipju tal-lex specialis minqux fl-Artikolu 3(4) tad-DPKŻ, fil-każ ta’ kunflitt jew duplikazzjoni bejn id-DPKŻ u d-dispożizzjonijiet speċifiċi għas-settur tal-liġi tal-UE li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali, ir-regoli speċifiċi għas-setturi jirbħu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi (7). Madankollu, id-DPKŻ tkompli tibqa’ rilevanti sabiex jiġu vvalutati aspetti possibbli oħrajn tal-prattika kummerċjali li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet speċifiċi għas-settur. Għaldaqstant, id-DPKŻ normalment tkun tista’ tiġi applikata flimkien ma’ regoli tal-UE speċifiċi għas-settur b’mod komplimentari. Peress li l-Artikolu 11 tad-DPKŻ jirrikjedi li l-Istati Membri kollha jiżguraw li jkunu jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jiġu miġġielda prattiki kummerċjali żleali, f’dawk l-Istati Membri fejn l-awtoritajiet diffferenti huma responsabbli għall-infurzar tad-DPKŻ u l-leġiżlazzjoni rilevanti speċifika għas-settur, l-awtoritajiet għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet rispettivi tagħhom fuq l-istess negozjant u/jew prattika kummerċjali jkunu konsistenti (8).

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-informazzjoni meħtieġa mil-liġi tal-UE speċifika għas-settur b’rabta mal-komunikazzjonijiet kummerċjali, inkluż ir-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni, hija kkunsidrata “materja” skont id-DPKŻ (9). L-informazzjoni materjali tirreferi għal biċċiet ewlenin ta’ informazzjoni li l-operaturi tan-negozju huma meħtieġa li jipprovdu lill-konsumaturi biex jippermettu lil dawn tal-aħħar jieħdu deċiżjoni transazzjonali infurmata (10). In-nuqqas tal-għoti ta’ din l-informazzjoni materjali jikkwalifika bħala prattika kummerjali żleali jekk jista’ jitqies li l-ommissjoni x’aktarx wasslet sabiex il-konsumatur medju jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li altrimenti ma kienx jieħu.

Pereżempju, ir-Regolament dwar l-Informazzjoni fuq l-Ikel jirrikjedi li l-operaturi tan-negozju jipprovdu informazzjoni speċifika dwar il-prodotti bħall-kwantità ta’ ċerti ingredjenti jew kategoriji ta’ ingredjenti. Din hija l-informazzjoni “materjali” fit-tifsira tal-Artikolu 7(5) tad-DPKŻ. L-ommissjoni ta’ din l-informazzjoni tista’ tkun, wara valutazzjoni ta’ każ b’każ, ikkunsidrata qarrieqa għaliex saħansitra x’aktarx taffettwa d-deċiżjonijiet tranżazzjonali tal-konsumatur medju.

L-applikazzjoni tad-DPKŻ fil-prattika tan-negozju

Id-DPKŻ topera bħala xibka ta’ sikurezza li tiżgura li jinżamm livell għoli u komuni ta’ protezzjoni tal-konsumatur fis-setturi kollha, li tikkumplimenta u timla l-lakuni f’liġijiet oħra tal-UE. Id-DPKŻ tipprojbixxi kwalunkwe prattika kummerċjali jekk ikun fiha informazzjoni falza jew jekk, b’xi mod, tkun tqarraq jew x’aktarx li tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk l-informazzjoni tkun fattwalment korretta, b’rabta mal-karatteristiċi prinċipali tal-prodott u, f’kull każ, iġġegħlu jew x’aktarx iġġegħlu jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

Il-valutazzjoni ta’ jekk prattika kummerċjali hijiex bi ksur tad-DPKŻ u teħtieġx valutazzjoni każ b’każ.

Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti bl-istess imballaġ u mmarkar iżda b’kompożizzjoni u profil sensorjali differenti tista’ tkun kontra d-DPKŻ jekk jista’ jiġi muri li, fuq bażi ta’ każ b’każ:

il-konsumaturi ikollhom aspettattivi leġittimi speċifiċi minn prodott meta’ mqabbel ma’ “prodott ta’ referenza” u l-prodott jiddevja b’mod sinifikanti minn dawn l-aspettattivi;

l-operatur tas-suq iħalli barra jew jonqos milli jagħti informazzjoni adegwata lill-konsumaturi u ma jkunux jistgħu jifhmu li teżisti differenza fl-aspettattivi tagħhom;

din l-informazzjoni inadegwata jew insuffiċjenti x’aktarx li tipproduċi distorsjoni fl-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju, pereżempju billi twasslu biex jixtru prodott li kieku ma kienx jixtri.

Il-kriterji li ġejjin jistgħu jkunu utli biex jikkaratterizzaw il-“prodott ta’ referenza”

i.

prodott huwa kkummerċjalizzat “bl-istess imballaġġ u mmarkar” f’diversi Stati Membri;

ii.

dan il-prodott jinbiegħ fil-maġġoranza ta’ dawn l-Istati Membri b’kompożizzjoni partikolari; u

iii.

Il-perċezzjoni tal-konsumaturi dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott tikkorrispondi għall-kompożizzjoni ta’ dan il-prodott kif irreklamat fil-maġġoranza ta’ dawn l-Istati Membri.

Ix-xogħol li qiegħed isir attwalment miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka se jipprovdi aktar indikaturi biex jorqom t-testijiet komparattivi tal-ikel.

Sabiex titwettaq din il-valutazzjoni każ b’każ jista’ jkun utli li l-ewwel jiġi eżaminat dan li ġej:

il-karatteristiċi ewlenin ta’ prodott li konsumatur medju x’aktarx li jqis meta’ jieħu d-deċiżjonijiet tax-xiri tiegħu u li jidħlu fid-deċiżjoni transazzjonali pożittiva jew negattiva tiegħu (11);

jekk tħallietx barra informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin ta’ prodott speċifiku jew li mhix ċara;

jekk l-informazzjoni nieqsa jew mhux ċara dwar il-karatteristiċi ewlenin x’aktarx li tbiddel id-deċiżjoni transazzjonali tal-konsumatur medju.

Il-karatteristiċi ewlenin meqjusa mill-konsumaturi meta jixtru prodotti tad-ditta

L-eżistenza ta’ prodott jew diversi prodotti tal-marka fl-offerta ġenerali ta’ ċerta kategorija ta’ prodotti tal-ikel ipproċessati (pereżempju kafejiet, ċikkulata, tejiet, luminati, eċċ) tinfluwenza l-maġġoranza tal-konsumaturi meta jagħmlu l-għażla tagħhom. Id-deċiżjoni transazzjonali ta’ konsumatur għal prodott tal-marka hija fil-biċċa l-kbira bbażata fuq il-perċezzjoni tiegħu ta’ x’tirrappreżenta dik marka għalih. Dwar l-ikel, din hija opinjoni soġġettiva li sseħħ permezz tal-esperjenza sensorjali ta’ kull konsumatur, il-preferenzi tad-dieta tiegħu u permezz ta’ fatturi bħalma huwa l-esponiment għal reklamar tal-marka u l-isforzi biex titrawwem l-immaġni.

Il-konsumatur medju jista’ ma jixtrix prodott tal-marka jekk ikollu raġunijiet biex jemmen li l-prodott mixtri jiddevja mill-perċezzjoni tiegħu ta’ kif għandu jkun il-prodott tal-marka.

Id-diffikultà li tiġi vvalutata l-preżenza ta’ elementi potenzjalment qarrieqa fil-komunikazzjoni dwar prodotti tal-marka hija minħabba l-fatt li l-karatteristiċi perċepiti “tal-marka” ta’ prodott partikolari ma jiġux tradotti f’deskrizzjoni oġġettiva, espliċita u li tista’ titkejjel minn min joħloq il-marka. Dawn l-elementi jiġu ssuġġeriti lill-konsumaturi permezz ta’ diversi mezzi tal-komunikazzjoni inespliċiti u/jew asserzjonijet ġenerali dwar kif il-prodott huwa konformi mat-trademark tiegħu jew kif kellu suċċess matul iż-żmien. Pereżempju, testi bħal “oriġinali”, “uniku”, “ir-riċetta tal-fundatur”, “tmur fejn tmur, dejjem se tesperjenza l-istess sodisfazzjon ta’ ikel/xorb tajjeb”, huma frekwenti fuq il-pakketti tal-ikel.

L-istudji li saru fuq il-lealtà lejn marka juru li l-marki jaġixxu f’moħħ il-konsumaturi bħala ċertifikat għal kwalità kontrollata u kostanti. Dan jispjega għaliex xi konsumaturi jistennew li prodotti tal-marka jkunu ta’ kwalità ekwivalenti jekk mhux eżattament l-istess (12) kull fejn u kull meta jixtruhom u s-sidiental-marka jinfurmawhom meta jiddeċiedu li jibdlu xi element importanti fil-kompożizzjoni tal-prodotti tagħhom.

Għandu jitfakkar ukoll li fis-Suq Uniku fejn il-konsumaturi għandhom fehma ġenerali li dan huwa s-suq li fih huma jixtru u fejn iċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti u l-aċċess ugwali għall-oġġetti huwa żgurat, il-konsumaturi ma jistennnewx, a priori, li l-prodotti tal-marka mibjugħa f’pajjiżi differenti jkunu differenti.

Madankollu, għall-operaturi tal-ikel u x-xorb, “kwalità kostanti” ma tfissirx neċessarjament prodotti identiċi madwar iż-żoni ġeografiċi differenti. Huwa komuni anzi għall-operaturi tan-negozju tal-ikel li jadattaw il-prodotti tagħhom għall-preferenzi tal-konsumatur lokali u kundizzjonijiet oħra. B’mod partikolari, l-ottimizzazzjonijiet sensorjali huma mwettqa biex jikkonformaw mal-abitudnijiet djetetiċi li jistgħu jkunu differenti ħafna minn reġjun għal ieħor. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm differenzi oġġettivi fl-importazzjoni, minħabba d-disponibbiltà staġunali u/jew ġeografika ta’ materja prima (jew rekwiżiti lokali speċifiċi) li għandhom effett fuq il-kompożizzjoni u/jew it-togħma tal-prodotti u għalhekk diffiċli li l-produtturi jevitawhom. Jista’ jkun hemm l-introduzzjoni ta’ riċetti ġodda li jirriflettu l-progress teknoloġiku jew politiki ta’ riformulazzjoni nutrizzjonali, li teknikament jew ekonomikament ma jistgħux iseħħu f’daqqa fis-swieq kollha. Fl-aħħar nett, l-operaturi kollha fin-negozji tal-ikel jistgħu wkoll jadattaw il-kompożizzjoni tal-prodotti għall-elastiċità tal-prezz tad-domanda lokali.

Prattiki żleali potenzjali fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-ikel differenzjati fis-Suq Uniku

Informazzjoni insuffiċjenti dwar id-differenzjazzjoni ta’ prodotti kkummerċjalizzati fi Stati Membri differenti taħt l-istess ditta tista’ tinfluwenza d-deċiżjonijiet transazzjonali tal-konsumaturi.

Wara li jivverifikaw il-konformità mal-liġi tal-ikel tal-UE, meta l-awtoritajiet tal-infurzar ikollhom informazzjoni li tista’ twassalhom biex jikkonkludu li, wara analiżi ta’ każ b’każ, il-prattiki ta’ differenzjazzjoni ta’ operatur ta’ negozju partikolari jistgħu jammontaw għal prattiki kummerċjali żleali, huma jistgħu jikkunsidraw li jwettqu testijiet tas-suq li jinvolvu tqabbil tal-prodotti f’reġjuni u f’pajjiżi differenti. Dawn it-testijiet għandhom jitwettqu b’approċċ komuni tal-ittestjar li fuqha qed taħdem bħalissa l-Kummissjoni. Ir-riżultat ta’ dan ix-xogħol jista’ jipprovdi aktar evidenza u rakkomandazzjonijiet għall-kwistjoni kkonċernata.

Jekk it-testijiet jidentifikaw prodotti tal-ikel li għandhom:

preżentazzjoni li tidher identika;

huma kkummerċjalizzati taħt l-istess marka;

iżda għandhom differenzi sinifikanti fil-kompożizzjoni u/jew profil sensorjali.

L-awtoritajiet tal-infurzar għandhom ir-responsabbiltà li jikkunsidraw, fuq bażi ta’ każ b’każ, il-bżonn għal aktar investigazzjoni biex jiġi vvalutat jekk il-prodotti kkonċernati kinux ikkummerċjalizzati b’konformità mad-DPKŻ, inkluż ir-rekwiżit li jaġixxu b’diliġenza professjonali (13) skont l-Artikolu 5(2) tagħha. Fit-twettiq ta’ valutazzjoni każ b’każ, il-ħsieb wara d-differenzjazzjoni tal-prodott kif ukoll l-elementi li ġejjin għandhom jitqiesu, abbażi tal-fatti konkreti u ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ partikolari biex jevalwaw jekk jistgħux jinfluwenzaw l-imġiba tal-konsumaturi:

Il-preżentazzjoni ta’ prodott, jew ir-reklamar tiegħu, li jġiegħel lill-konsumaturi biex jemmnu li l-prodott huwa l-istess wieħed kullimkien fis-Suq Uniku, bħalma hija l-enfasi fuq l-uniċità tiegħu, l-oriġini tal-ewwel produzzjoni tiegħu, l-oriġinalità tiegħu, il-mod uniku u tradizzjonali ta’ produzzjoni jew ir-riċetta, il-konformità tiegħu ma’ riċetta li nħolqot ħafna snin ilu f’post speċifiku, eċċ.

L-istrateġiji tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ diversi verżjonijiet ta’ prodott li jistgħu potenzjalment joħolqu konfużjoni għall-konsumaturi. Pereżempju fl-istrateġija ta’ distribuzzjoni tiegħu, operatur tas-suq li jqassam diversi gradi ta’ kwalità fis-Suq Uniku, jbiegħ biss gradi aktar baxxi f’ċerti reġjuni/pajjiżi mingħajr biżżejjed informazzjoni sabiex il-konsumaturi jifhmu liema grad huwa disponibbli fis-suq lokali tagħhom.

Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ informazzjoni lill-konsumaturi (b’kull mezz ta’ komunikazzjoni pubblika) dwar il-fatt li elementi tal-kompożizzjoni tal-prodotti ġew mibdula b’mod sinifikanti b’paragun mal-imgħoddi (eż l-introduzzjoni ta’ riċetta ġdida) - filwaqt li jiġu kkunsidrati tibdiliet fil-kompożizzjoni, fil-kuntest ta’ politiki ta’ riformulazzjoni nutrizzjonali tal-Istati Membri, b’konformità mar-rekwiżit ta’ diliġenza professjonali.

Filwaqt li l-valutazzjoni ta’ x’inhuma differenzi “sinifikanti” tista’ tinbidel skont il-fatti u ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, ġeneralment tista’ tinstab differenza sinifikanti dwar il-karatteristiċi ewlenin ta’ prodott meta: (i) ingredjent jew għadd ta’ ingredjenti ewlieni (i) jew il-persentaġġ tagħhom fi prodott ikun sostanzjalment differenti meta’ mqabbel mal-“prodott ta’ referenza”; (ii) din il-varjazzjoni jkollha l-potenzjal li tbiddel l-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju li jieħu deċiżjoni ta’ xiri differenti jekk ikun jaf b’din id-differenza.

Kunsiderazzjonijiet prattiċi

F’dawn l-investigazzjoniiet, id-DPKŻ u l-awtoritajiet dwar il-liġi tal-ikel għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jaraw li l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet rispettivi tagħhom fuq l-istess operatur tas-suq u/jew prattika kummerċjali jkunu konsistenti. B’mod partikolari:

Għal kull prodott tal-ikel, għandha ssir verifika preliminari tar-rekwiżiti kollha stabbiliti skont ir-Regolament tal-Informazzjoni dwar l-Ikel.

Għall-prodotti tal-ikel li għalihom japplikaw standards dwar il-kompożizzjoni tagħhom, għandha tiġi vverifikata wkoll il-konformità mar-rekwiżiti legali tar-Regolamenti applikabbli (14).

Jekk xi informazzjoni meħtieġa skont ir-Regolamenti imsemmija hawn fuq tkun nieqsa jew ippreżentata b’mod qarrieqi, l-awtoritajiet għandhom jieħdu l-miżuri tal-infurzar meħtieġa.

L-investigazzjoni ta’ prattiki kummerċjali potenzjalment żleali tista’ ssir skont id-DPKŻ.

Il-kooperazzjoni transfruntiera

Peress li din il-kwistjoni tirrigwarda prattiki tal-operaturi tas-suq fis-Suq Uniku kollu u tinvolvi dimensjoni transfruntiera, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ifittxu li jwettqu l-investigazzjoni msemmija hawn fuq, meta dan ikun xieraq, b’mod koordinat, skont ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (KPK) (15). Ir-Regolament KPK jistabbilixxi b’mod ċar l-obbligi ta’ għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw li l-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-operatur tas-suq jieħu l-miżuri meħtieġa biex iwaqqaf il-ksur li jaffettwa lill-konsumaturi f’ġurisdizzjonijiet oħra tal-Unjoni. Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll l-obbligu għall-awtoritajiet madwar l-UE biex iwissu ‘l xulxin dwar ksur possibbli u biex jiskambjaw informazzjoni dwar ksur bħal dan. F’każ ta’ informazzjoni qarrieqa dwar il-karatteristiċi ta’ prodott tal-ikel, l-awtoritajiet tal-KPK tal-pajjiż fejn il-konsumaturi jistgħu jkunu affettwati, għandhom jagħmlu użu sħiħ tal-istrumenti previsti mir-Regolament KPK u jitolbu għall-għajnuna mill-awtorità(jiet) kontroparti tagħhom tal-pajjiż fejn jinsab l-operatur tas-suq. F’dan ir-rigward, ir-Regolament il-ġdid KPK, li huwa applikabbli fl-UE sa tmiem l-2019, saħħaħ il-kooperazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ sorveljanza tas-sistema attwali u se jagħmilha possibbli li jsir skambju ta’ informazzjoni u twissijiet dwar ksur fl-UE b’mod aktar rapidu u effikaċi. Il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita din il-ħidma u fondi jistgħu jiġu allokati taħt il-Programm tal-Konsumatur.

Valutazzjoni ta’ prattiki kummerċjali potenzjalment żleali fil-każ ta’ prodotti tal-ikel tal-marka — flowchart:

Image

(1)  jiġifieri oġġetti kummerċjalizzati fis-Suq Uniku taħt l-istess marka kummerċjali jew trademark iżda b’differenzi fil-kontenut, kompożizzjoni jew kwalità fi Stati Membri individwali tal-UE.

(2)  http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-17-3165_mt.htm

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

(5)  Ċerti prodotti bħaċ-ċikkulata, il-meraq tal-frott u l-ġamm huma soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi ta’ kompożizzjoni jew koperti minn skemi ta’ kwalità, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew armonizzata tal-UE.

(6)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(7)  Leġiżlazzjoni speċifika għas-settur oħra, ara pereżempju l-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).

(8)  Ara b’mod partikolari p. 17 tal-Gwida dwar l-implimentazzjoni/l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali (jista’ jinkiseb minn: http://ec.europa.eu/consumers/consumer_rights/unfair-trade/unfair-practices/index_en.htm).

(9)  L-Artikolu 7(5) tad-DPKŻ u p. 17-19 tal-Gwida dwar l-implimentazzjoni/l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali.

(10)  L-Artikoli 7(1) u (2) tad-DPKŻ u p. 69 tal-Gwida dwar l-implimentazzjoni/l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali.

(11)  Dan it-test jiddetermina liema informazzjoni għandha titqies bħala materjali jew fi kliem ieħor sinifikanti għall-konsumaturi.

(12)  Għal ċerti kategoriji ta’ prodotti tal-marka bħal pereżempju fwejjaħ, oġġetti ta’ lussu, karozzi, in-nies ifittxu eżattament l-istess prodotti u jibżgħu mill-oġġetti foloz. Wieħed jista’ jikkonkludi li mġiba simili tista’ teżisti għal kull tip ta’ prodotti għall-konsumatur.

(13)  Id-“diliġenza professjonali” tfisser l-istandard ta’ sengħa u kura speċjali li operatur tas-suq huwa raġonevolment mistenni li jeżerċita fir-rigward ta’ konsumaturi, proporzjonat ma’ prattika onesta fis-suq u/jew mal-prinċipju ġenerali tal-bona fede fil-qasam ta’ attività tal-operatur tas-suq. Hija tinkludi wkoll l-osservanza tal-kriterji tal-kontroll u tal-kwalità ddikjarati mill-operatur tas-suq bħal ċertifikazzjoni tal-kwalità u ċertifikazzjonijiet oħra.

Dan jinkludi prinċipji li diġà kienu stabbiliti fil-liġijiet tal-Istati Membri qabel l-adozzjoni tad-DPKŻ, bħal “prattika tas-suq onesta”, “bona fede” u “prattika tajba tas-suq”. Dawn il-prinċipji jenfassizzaw valuri normattivi li japplikaw fil-qasam speċifiku ta’ attività kummerċjali. Dawn il-valuri normattivi ta’ dan it-tip għandhom jinkludu r-rispett tal-liġi applikabbli speċifika għas-settur u l-gwida tagħhom kif deskritt fil-parti 1.

(14)  Dan huwa l-każ pereżempju tat-tonn fil-laned, li l-kompożizzjoni tiegħu hija standardizzata mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1536/92 tad-9 ta’ Ġunju 1992 li jippreskrivi l-istandards ta’ marketing komuni għat-tonn u għall-plamtu/tumbrell priservat (ĠU L 163, 17.6.1992, p. 1) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2136/89 tal-21 ta’ Ġunju 1989 li jistabbilixxi ċerti standards komuni dwar il-marketing tas-sardin ippriservat (ĠU L 212, 22.7.1989, p. 79).

(15)  Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”) (ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1).


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

29.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/8


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-28 ta’ Settembru 2017

(2017/C 327/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1778

JPY

Yen Ġappuniż

132,56

DKK

Krona Daniża

7,4402

GBP

Lira Sterlina

0,87635

SEK

Krona Żvediża

9,5800

CHF

Frank Żvizzeru

1,1460

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,3575

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

26,041

HUF

Forint Ungeriż

311,06

PLN

Zloty Pollakk

4,3122

RON

Leu Rumen

4,6003

TRY

Lira Turka

4,1994

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5054

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4684

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,1977

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6363

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6010

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 350,15

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

15,9189

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,8436

HRK

Kuna Kroata

7,4975

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 892,06

MYR

Ringgit Malażjan

4,9839

PHP

Peso Filippin

59,998

RUB

Rouble Russu

68,3855

THB

Baht Tajlandiż

39,327

BRL

Real Brażiljan

3,7484

MXN

Peso Messikan

21,3956

INR

Rupi Indjan

77,1150


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


29.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/9


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2017/C 327/03)

Image

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha kkonċernati li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-2 euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun simboliku ferm f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż tal-ħruġ : Il-Finlandja

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni : In-natura Finlandiża

Deskrizzjoni tad-disinn : Il-parti ta’ ġewwa tal-munita għandha disinn li jifforma tixbiħa kartografika tal-qamar kif jidher minn Harmaja, il-Finlandja. Fuq il-qamar, tidher ċawla li tinsab fuq fergħa. Is-sena tal-ħruġ “2017” tidher isfel fin-nofs. Fin-nofs fuq ix-xellug hemm l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-ħruġ “FI”. Il-marka taz-zekka tinsab fin-nofs fuq il-lemin.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li se jinħarġu :

Data tal-ħruġ : Ottubru 2017


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).


29.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/10


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2017/C 327/04)

Image

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha kkonċernati li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-EUR 2 biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż tal-ħruġ : Ċipru

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni : Paphos 2017 – Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura

Deskrizzjoni tad-disinn : Id-disinn juri l-“Odeon l-Antik ta’ Paphos”, anfiteatru żgħir li jmur lura għat-2 seklu wara Kristu. Illum il-ġurnata jintuża fis-sajf għal spettakli teatrali mużikali u se jkun il-post ta’ għadd ta’ avvenimenti li se jsiru fi ħdan il-programm “Paphos 2017 – Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura”. L-isem tal-pajjiż tal-ħruġ “ΚΥΠΡΟΣ KIBRIS” u l-frażi “Πάφος 2017 – Πολιτιστική πρωτεύουσα Ευρώπης” (jiġifieri Paphos 2017 – Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura) huma minquxa fuq in-naħa ta’ ġewwa tan-naħa nazzjonali tal-munita.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li se jinħarġu :

Data tal-ħruġ : Ir-raba’ trimestru tal-2017


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

29.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/11


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8623 — Borealis/OTPP/SSE/Maple)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 327/05)

1.

Fit-18 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Borealis Smart Holdings BV (in-Netherlands), li tappartjeni għal Borealis European Holdings BV u kkontrollata minn Omers Administration Corporation (il-Kanada);

Ontario Limited (il-Kanada), li tappartjeni għall-Ontario Teachers’ Pension Plan Board (il-Kanada);

SSE Maple Limited (ir-Renju Unit), li tappartjeni għal SSE plc (ir-Renju Unit);

Maple TopCo Limited (ir-Renju Unit).

SSE plc (“SSE”), l-Ontario Teachers’ Pension Plan Board (“OTPP”), u Borealis European Holdings BV (“Borealis”) jakkwistaw fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt ta; Maple Topco Limited (“Maple”).

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ kuntratt ta’ tmexxija jew kwalunkwe mezzi oħrajn.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Borealis hija maniġer ta’ Omers Administration Corporation (“Omers”). Omers hija l-amministratur tal-Ontario Municipal Employees Retirement System Primary Pension Plan;

SSE hija kumpanija tal-enerġija b’operazzjonijiet fir-Renju Unit u l-Irlanda;

l-OTPP huwa l-amministratur tal-akbar pjan ta’ pensjonijiet għal professjoni waħda tal-Kanada;

Maple hija attiva fil-provvista ta’ assi tal-meters għall-fornituri tal-enerġija fir-Renju Unit.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li rr-referenza li ġejja tiġi dejjem speċifikata:

M.8623 — Borealis/OTPP/DRE/Maple

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks: +32 22964301

Indirizz tal-posta:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.