ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 273A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 60
18 ta' Awwissu 2017


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

2017/C 273 A/01

Avviż ta’ post battal nru 22/17 dwar impjieg wieħed ta’ kap tal-unitá (r/m) fid-Dipartiment tal-Komunikazzjoni — Unità D.1 — Stampa — (Pubblikazzjoni skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal)

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

18.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 273/1


AVVIŻ TA’ POST BATTAL NRU 22/17

dwar impjieg wieħed

ta’ KAP TAL-UNITÁ (R/M)

fid-Dipartiment tal-Komunikazzjoni

Unità D.1 — Stampa

(Pubblikazzjoni skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal)

(2017/C 273 A/01)

Data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet: it-18 ta’ Settembru 2017 f’12:00 (nofsinhar) (ħin ta’ Brussell)

1.

Post battal: AD 12

2.   Dmirijiet:

Il-Kap ta’ Unità huwa responsabbli, taħt l-awtorità tal-Kap tad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni, għall-ġestjoni tal-Unità tal-Istampa. Il-kompiti tal-Kap ta’ Unità jinkludu, fost oħrajn:

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġija tal-midja u tal-istampa komprensiva/proattiva;

il-promozzjoni tal-ħidma tal-membri tal-KESE bl-użu tal-istrumenti kollha disponibbli, inklużi l-kuntatti personali u l-midja soċjali;

il-ġestjoni, il-motivazzjoni u l-koordinazzjoni tat-tim tal-istampa u li tittieħed parti attiva fit-tim ta’ ġestjoni tad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni;

isir kontribut għall-iżvilupp tal-politika tal-istampa tal-uffiċċju tal-President tal-KESE u s-servizzi tal-KESE b’mod ġenerali;

tiġi żgurata koordinazzjoni tal-istampa u l-midja għal avvenimenti ewlenin tal-KESE;

jiġu żviluppati kuntatti u jitrawmu relazzjonijiet tajba mal-midja (l-iżgurar ta’ kuntatti personali regolari u mill-qrib ma’ ġurnalisti, l-organizzazzjoni ta’ konferenzi u l-attendenza ta’ laqgħat għall-istampa,…) biex tkun żgurata u promossa kopertura mill-midja tal-attivitajiet tal-KESE;

is-superviżjoni u l-kontribut għall-produzzjoni tal-kontenut ta’ aħbarijiet fuq l-Internet u l-midja soċjali, stqarrijiet tal-istampa, bullettini, prodotti awdjoviżivi u servizzi tal-fotografija;

tiġi ssorveljata l-kopertura tal-midja tal-attivitajiet tal-Kumitat u jiġu żviluppati s-servizzi tal-istampa onlajn u fil-pjattaformi tal-midja soċjali;

tiġi stabbilita u żgurata l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Unità;

tiġi żgurata l-preżenza tal-Unità fil-Grupp ta’ Komunikazzjoni tal-KESE;

it-tmexxija tal-baġit tal-Unità tal-Istampa inklużi kuntratti qafas biex jiżguraw li l-użu tiegħu jiġi kompletament massimizzat;

rappreżentazzjoni u segwitu tal-attivitajiet tal-KESE f’diversi laqgħat interistituzzjonali fil-qasam tal-komunikazzjoni.

Min aħna:

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) hu korp konsultattiv tal-Unjoni Ewropea. Bl-impenn tiegħu lejn l-integrazzjoni Ewropea, il-KESE jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika u l-effikaċja tal-Unjoni Ewropea billi jagħti l-opportunità lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri jesprimu fehmiethom fil-livell Ewropew.

L-Unità tal-Istampa taħdem mill-qrib mad-direttorati għall-Ħidma Leġislattiva u tiffoka fuq żieda fil-viżibbiltà tal-attivitajiet tal-membri tal-KESE permezz tal-abbozzar u l-pubblikazzjoni ta’ stqarrijiet għall-istampa, artikli, editorjali u l-istabbiliment ta’ relazzjonijiet b’saħħithom mal-istampa u mal-midja, kemm jekk huma ġurnalisti bbażati fi Brussell kif ukoll jekk organizzazzjonijiet tal-midja fl-Istati Membri. Filwaqt li madwar 5 000 abbonat jirċievi l-Bullettin u stqarrijiet għall-istampa tal-KESE, jiġu organizzati wkoll konferenzi stampa u tipi oħra ta’ attivitajiet tal-istampa bħal laqgħat għall-istampa. Il-ġurnalisti huma mistiedna jattendu avvenimenti speċifiċi, jew jakkumpanjaw lill-President u lill-Viċi Presidenti fl-attivitajiet tagħhom.

Il-kopertura tal-midja ta’ sessjonijiet plenarji u laqgħat u avvenimenti rilevanti oħrajn hija wkoll ir-responsabbiltà tal-unità. L-Unità tal-Istampa tieħu ħsieb il-politika awdjoviżiva tal-KESE, inkluża l-organizzazzjoni ġenerali tas-servizzi ta’ fotografu.

Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara s-sit web tal-KESE: http://www.eesc.europa.eu

X’noffru:

ambjent tax-xogħol dinamiku u b’atmosfera amikevoli fejn il-ġestjoni effettiva, sens qawwi ta’ inizjattiva, spirtu ta’ tim u l-flessibbiltà huma ta’ valur kbir;

impjieg f’dipartiment ta’ komunikazzjoni fejn il-kreattività hija mħeġġa;

opportunitajiet biex jiġu żviluppati l-ħiliet permezz ta’ taħriġ u billi jintrefgħu r-responsabbiltajiet.

3.   Eliġibbiltà:

Fid-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, il-kandidati għandhom jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Kondizzjonijiet ġenerali

ikun ċittadin (1) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) u jgawdi d-drittijiet kollha bħala ċittadin (2);

ikun wettaq kwalunkwe obbligu impost fuqu mil-liġijiet dwar il-lieva.

jipproduċi r-referenzi ta’ karattru mitluba għat-twettiq tad-dmirijiet previsti. Niġbdu l-attenzjoni tal-kandidati għar-restrizzjonijiet imposti mir-Regolamenti tal-Persunal u Uffiċjali tal-UE fir-rigward ta’ attivitajiet esterni, kariga uffiċjali li jkunu eletti għaliha u kunflitti ta’ interess (Artikoli 11, 11(a), 12(b), 13 u 15 tar-Regolamenti tal-Persunal);

jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ saħħa fiżika meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet involuti (3);

ma jkunx għadu laħaq l-età tal-irtirar, li għall-uffiċjali tal-UE hija stabbilita għall-aħħar xahar li matulu l-persuna kkonċernata tilħaq l-età ta’ 66 sena;

(b)

Kondizzjonijiet speċifiċi

(i)

Kwalifiki u ħiliet meħtieġa

Il-kandidati għandu jkollhom livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kkompletati u ċċertifikati b’diploma (4) uffiċjalment rikonoxxuta f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea f’qasam relevanti għad-dmirijiet deskritti taħt il-punt 2:

ta’ mill-anqas erba’ snin meta t-tul taż-żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

jew

ta’ mill-inqas tliet snin, segwit minn sena ta’ esperjenza professjonali f’qasam marbut mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet, meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ tliet snin jew aktar. Din is-sena ta’ esperjenza ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali mitluba taħt il-punt 3(b) (ii).

(ii)

Esperjenza professjonali meħtieġa

Wara li jkunu kisbu l-kwalifiki stabbiliti fil-punt 3 (b) (i), il-kandidati għandhom ikunu kisbu esperjenza professjonali ta’ mill-inqas 15-il sena marbuta mad-deskrizzjoni tal-impjieg, inkluż mill-inqas tliet snin f’pożizzjoni maniġerjali.

(iii)

Għarfien ta’ lingwi

Il-kandidati għandu jkollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (UE) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Għal raġunijiet operattivi (5), għarfien tajjeb (6) tal-Ingliż u l-Franċiż, orali u mhux inqas fil-kitba, huwa meħtieġ.

4.   Kriterji tal-għażla:

Jekk il-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fil-punt 3 (Eliġibbiltà) (a) u (b) huma sodisfatti, l-applikazzjonijiet tal-kandidati inkluż CV u ittra ta’ akkumpanjament ser jiġu evalwati fuq il-bażi tal-kriterji tal-għażla hawn taħt:

Prova ta’ esperjenza ġurnalistika ta’ mill-inqas 5 snin;

Esperjenza fl-organizzazzjoni ta’ konferenzi stampa, l-abbozzar ta’ stqarrijiet għall-istampa u aħbarijiet għall-web u l-midja soċjali;

Għarfien tajjeb dwar id-diversi oqsma tal-attività u l-operazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE, u b’mod partikolari għarfien dwar ir-rwol tal-KESE fl-istabbiliment istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea.

Għarfien tajjeb tal-korpi tal-istampa u tal-midja li jittrattaw partikolarment l-Unjoni Ewropea. Il-fatt li jkollok netwerk ta’ kuntatti stabbiliti fil-qasam tal-midja jkun ta’ vantaġġ.

Esperjenza ta’ xogħol fi jew mal-istituzzjonijiet Ewropej;

Ħiliet interpersonali u ta’ networking tajbin ħafna biex jinżammu l-kuntatti ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati fi ħdan il-KESE, istituzzjonijiet oħra u/jew barra mill-istituzzjonijiet Ewropej;

Ħiliet eċċellenti ta’ komunikazzjoni u abbozzar;

Kapaċità evidenzjata fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet sensittivi b’manjiera diskreta; ħiliet diplomatiċi eċċellenti.

Il-ħila ta’ tmexxija u l-motivazzjoni ta’ tim;

Is-sens ta’ kreattività, inizjattiva, dinamiżmu u flessibilità;

Ħiliet analitiċi u ta’ ppjanar tajba u l-kapaċità biex jiġi vvalutat l-impatt;

L-abbiltà li twettaq diversi funzjonijiet u ħiliet ta’ ġestjoni tal-istress;

Għarfien ta’ lingwi oħra minbarra l-Ingliż u l-Franċiż.

5.   Proċedura tal-għażla:

5.1.    Ammissjoni għall-proċedura tal-għażla

Ser titfassal lista ta’ kandidati li ressqu applikazzjoni kompluta qabel id-data tal-iskadenza u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fil-punt 3 (a). Din il-lista ser tintbagħat lill-president tal-kumitat ta’ għażla mal-applikazzjonijiet.

Il-Kumitat ta’ għażla jeżamina l-applikazzjonijiet u jfassal il-lista tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fil-punt 3 (b). Dan ser jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġjata minn dokumenti ġustifikattivi.

Kandidati li l-applikazzjonijiet tagħhom ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 3 (a) u (b) huma meqjusa bħala mhux eliġibbli. Huma ser jiġu infurmati kif xieraq.

5.2.    Evalwazzjoni tal-kwalifiki

Abbażi ta’ kriterji stabbiliti minn qabel, il-kumitat tal-għażla jipproċedi għall-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati eliġibbli bil-għan li titfassal lista ta’ kandidati bi profil li l-aktar jaqbel mad-deskrizzjoni tad-dmirijiet f’punt 2. Biex jagħmel dan, il-kumitat tal-għażla l-ewwel ser jassenja fattur ta’ ponderazzjoni lil kull kriterju ta’ selezzjoni li jirrifletti l-importanza relattiva tiegħu. Il-punti ser jinġabru flimkien sabiex jiġu identifikati dawk il-kandidati li l-profil tagħhom jaqbel l-aktar mad-dmirijiet li għandhom jitwettqu.

Il-kumitat tal-għażla ser jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-informazzjoni mogħtija mill-kandidat fil-formola tal-applikazzjoni (kwalifiki u esperjenza professjonali), Curriculum Vitae (CV) u ittra ta’ akkumpanjament.

Il-kriterji tal-eliġibbiltà (kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi) u tal-għażla jridu jiġu ssodisfati sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet. Sabiex jiġi ffaċilitat l-eżami tal-applikazzjonijiet, il-kandidati għandhom jenfasizzaw fl-ittra ta’ akkumpanjament il-motivazzjoni tagħhom u l-aspetti tas-CV tagħhom li huma jqisu bħala l-aktar rilevanti biex jitwettqu d-dmirijiet involuti.

Il-kumitat tal-għażla jista’ jillimita l-għadd ta’ kandidati fil-lista tal-kandidati li jgħaddu għall-istadju li jmiss għat-12-il kandidat li jiksbu l-ogħla total ta’ punti fil-valutazzjoni tal-kwalifiki tagħhom.

Il-kandidati li ma jgħaddux għall-pass li jmiss se jkunu infurmati.

5.3.    Intervista u test

Il-kandidati li jkunu temmew b’suċċess l-istadju ta’ qabel jiġu mistiedna għal intervista biex jiġu evalwati u mqabbla fuq il-bażi tal-kwalifiki, l-esperjenza professjonali, il-ħiliet u l-għarfien tagħhom, kif stabbilit hawn fuq. Dawn il-kandidati ser jagħmlu wkoll test bil-miktub biex tiġi vvalutata l-kapaċità tagħhom ta’ abbozzar.

L-intervista u t-test ser isiru bl-Ingliż u bil-Franċiż; jistgħu jiġu evalwati lingwi oħra ddikjarati.

L-intervisti huma mistennija li jseħħu f’Settembru/Ottubru 2017 fl-uffiċċji tal-KESE fi Brussell (7).

Massimu ta’ erba’ kandidati li wara l-fażi tal-intervista u t-test bil-miktub jitqiesu bħala l-iżjed adatti għall-ħtiġijiet tal-kariga jiġu mistiedna jipparteċipaw f’ċentru ta’ evalwazzjoni. Huma ser jiġu infurmati dwar il-programm u l-metodoloġija fi żmien debitu u ser jispeċifikaw il-lingwa preferuta tagħhom (Ingliż jew Franċiż). L-iskop ta’ din il-valutazzjoni huwa li tevalwa l-ħiliet maniġerjali tagħhom (il-ġestjoni tal-kompiti, tal-persuni u l-informazzjoni, il-ġestjoni personali u interpersonali). Ir-riżultat tal-valutazzjoni mhuwiex ta’ natura vinkolanti. Huwa maħsub li jagħti lill-bord tal-għażla l-elementi addizzjonali għall-proċedura tal-għażla.

Jekk, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, jiġi stabbilit li l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni tal-kandidat ma tistax tiġi sostanzjata minn dokumenti ġustifikattivi jew li l-kandidati ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dan l-avviż ta’ post battal, l-applikazzjoni tiġi ddikjarata nulla u bla effett.

5.4.    Lista ta’ kandidati adatti

Biex titlesta l-proċedura, il-kumitat tal-għażla għandu jistabbilixxi lista ta’ kandidati xierqa u jibgħatha lill-awtorità tal-ħatra għal deċiżjoni finali.

6.   Sommarju tal-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ:

L-awtorità tal-ħatra (AIPN) iddeċidiet li tiftaħ proċedura biex timla l-pożizzjoni ta’ Kap tal-Unità tal-Istampa skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea. Ser ikun hemm perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.

L-uffiċjal jiġi reklutat fil-grad AD12, u l-klassifikazzjoni finali tiġi stabbilita mill-KESE abbażi tal-esperjenza professjonali b’konformità mar-regoli applikabbli (8).

Għal iżjed tagħrif dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, jekk jogħġbok ikkonsulta r-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

Il-post tal-impjieg huwa Brussell.

7.   Applikazzjonijiet:

L-applikanti għal din il-kariga għandhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni onlajn (http://cdweb.eesc.europa.eu/cn/ae77k/hou-press-2017) b’dawn id-dokumenti mehmużin bl-Ingliż jew bil-Franċiż:

L-ittra ta’ akkumpanjament;

Curriculum Vitae abbażi tal-mudell Europass (9);

Kopja (10) tal-karta tal-identità jew tal-passaport;

kopji tal-lawrji u ċ-ċertifikati universitarji jew postgradwatorji;

kopji tal-attestazzjonijiet ta’ impjieg li jindikaw b’mod ċar in-natura u t-tul tal-attività rilevanti;

sakemm ma jkunx indikat b’mod ċar fil-lawrji universitarji, prova ta’ għarfien lingwistiku permezz ta’ ċertifikati jew, fin-nuqqas ta’ dan, spjegazzjoni dettaljata, dwar kif inkiseb dan l-għarfien;

għall-uffiċjali tal-UE, dokument uffiċjali li jiċċertifika l-progress fil-karriera u l-grad attwali.

L-applikazzjonijiet inkompleti ser jitqiesu invalidi u mhux se jiġu kkunsidrati.

Iżjed ’il quddiem, il-kandidat magħżul jintalab jipproduċi l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha mitluba.

Kopji ta’ dokumenti ta’ sostenn f’lingwa oħra li mhijiex il-Franċiż jew l-Ingliż għandhom ikunu akkumpanjati minn sommarju f’waħda minn dawn iż-żewġ lingwi.

Id-data tal-għeluq biex jintbagħtu l-applikazzjonijiet hija t-18 ta’ Settembru 2017 f’12:00 (nofsinhar) (ħin ta’ Brussell). Il-KESE mhu ser iqis l-ebda applikazzjoni li tasallu wara din id-data u ħin. L-applikanti huma mħeġġin ma jistennewx sal-aħħar jum biex iressqu l-applikazzjoni tagħhom, peress li l-livell għoli ta’ traffiku fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet jistgħu jikkawżaw problemi biex tintbagħat l-applikazzjoni. Il-KESE ma jistax jinżamm responsabbli għal kwalunkwe dewmien minħabba diffikultajiet bħal dawn.

Il-kandidati b’diżabbiltà jew f’ċirkustanzi li jistgħu jikkawżawlhom diffikultajiet matul il-proċedura (eż. minħabba tqala jew treddigħ, jew minħabba problemi ta’ saħħa jew trattament mediku), għandhom jiddikjaraw dan il-fatt fil-formola tal-applikazzjoni u jagħtu kull informazzjoni rilevanti sabiex l-amministrazzjoni tkun tista’ tieħu l-miżuri xierqa, fejn possibbli. Jekk applikabbli, il-kandidati huma mistiedna jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom, fuq karta separata, dettalji dwar kwalunkwe arranġament li huma jqisu neċessarju biex jgħinhom.

8.   Osservazzjonijiet:

L-applikanti m’għandhom taħt l-ebda ċirkustanza jippruvaw jikkuntattjaw lill-membri tal-kumitat tal-għażla, direttament jew indirettament. L-awtorità tal-ħatra tirriżerva d-dritt li teskludi l-kandidati li jagħmlu dan.

Il-KESE jemmen fid-diversità u huwa favur ħafna r-rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-ġeneri, tan-nazzjonalitajiet kollha tal-Istati Membri u tal-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea. Huwa japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs li teskludi kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ ġeneru, diżabilità, razza, fehmiet politiċi jew reliġjużi jew orjentazzjoni sesswali. F’konformità ma’ dawn il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, l-applikazzjonijiet mill-ġeneru u n-nazzjonalitajiet l-inqas rappreżentati huma partikolarment imħeġġa.

Il-KESE jimpenja ruħu li jipproteġi l-ambjent.

B’konformità mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (11), ir-riċevitur jipproċessa d-data personali biss għall-għanijiet li għalihom tkun intbagħtet.

9.   Talbiet għal reviżjoni – ilmenti:

Mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom li jressqu lment skont l-Artikolu 90(2) jew li jitressaq appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidati jistgħu jitolbu reviżjoni interna ta’ kull deċiżjoni meħuda mill-kumitat ta’ għażla li direttament u immedjatament taffettwa l-istatus tagħhom għall-għażla, minħabba n-nuqqas ta’ konformità tiegħu mar-regoli dwar il-proċedura tal-għażla deskritti f’dan l-avviż ta’ post battal. It-talba għandha ssir permezz tal-posta elettronika (selection2017-Press@eesc.europa.eu) fi żmien għaxart ijiem kalendarji mid-data li fiha d-deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-applikant permezz tal-posta elettronika. Din għandha tindika d-deċiżjoni u r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata t-talba.

Il-kumitat ta’ għażla jieħu deċiżjoni u tintbagħat tweġiba raġunata lill-kandidat fi żmien debitu.


(1)  kif iddikjarat fl-Artikolu 28(a) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(2)  Qabel ma jinħatar, il-kandidat magħżul ser jintalab jipprovdi ċertifikat mill-pulizija li jikkonferma l-assenza ta’ kwalunkwe rekord kriminali.

(3)  Qabel ma jinħatar, il-kandidat magħżul jiġi eżaminat minn wieħed miċ-ċentri mediċi tal-UE, sabiex jiġi kkonfermat li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 28(e) tar-Regoli tal-Persunal.

(4)  Jiġu kkunsidrati biss id-diplomi u ċ-ċertifikati li jkunu ngħataw fl-Istati Membri tal-UE jew li huma soġġetti għal ċertifikati ta’ ekwivalenza maħruġin mill-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati Membri.

(5)  Billi l-informazzjoni u l-għodod tal-IT li l-persuna reklutata ser taħdem bihom u t-taħriġ ipprovdut lil rekluti ġodda sabiex ikunu jistgħu jaħdmu b’tali għodod, huma biss disponibbli bl-Ingliż u bil-Franċiż, huwa meħtieġ għarfien tajjeb ta’ dawn il-lingwi. Barra minn hekk, il-persunal fl-Unità tal-Istampa huwa meħtieġ li jkollu għarfien tajjeb tal-Ingliż u l-Franċiż peress li jridu jkunu kapaċi jaħdmu mal-grupp tal-persunal eżistenti, kif ukoll il-membri u jwettqu l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni (Intranet, midja soċjali, posta, stqarrijiet għall-istampa, eċċ.), b’dawn iż-żewġ lingwi.

(6)  Livell minimu ta’ B2 tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (https://europass.cedefop.europa.eu/en/resources/european-language-levels-cefr)

(7)  L-intervisti jistgħu jsiru permezz ta’ vidjokonferenza/Skype ma’ kandidati li mhumiex fi Brussell waqt l-intervisti. Il-KESE inkella jirrimborża l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u jagħti indennizz ta’ kuljum.

(8)  Esperjenza professjonali ta’ 15-il sena għall-grad AD 12 skala 1 u ta’ 18-il sena għall-grad AD 12 skala 2

(9)  http://europass.cedefop.europa.eu/mt/documents/curriculum-vitae/templates-instructions

(10)  Jistgħu jiġu pprovduti kopji fil-lingwa oriġinali. Il-formola tal-applikazzjoni onlajn għandha timtela bl-Ingliż jew bil-Franċiż.

(11)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.