ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 234

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 60
20 ta' Lulju 2017


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 234/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8550 — USSL/Goldman Sachs/Redexis Gas) ( 1 )

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 234/02

Rata tal-kambju tal-euro

2

 

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

2017/C 234/03

Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika)

3


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 234/04

Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri kumpensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċertu trota qawsalla li joriġinaw mit-Turkija

6

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 234/05

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8575 — OTPP/AIMCo/Borealis/KIA/LCY) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

13

2017/C 234/06

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8553 — Banco Santander/Banco Popular Group) ( 1 )

14


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

20.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 234/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8550 — USSL/Goldman Sachs/Redexis Gas)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 234/01)

Fit-13 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32017M8550. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

20.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 234/2


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Id-19 ta’ Lulju 2017

(2017/C 234/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1533

JPY

Yen Ġappuniż

129,03

DKK

Krona Daniża

7,4369

GBP

Lira Sterlina

0,88485

SEK

Krona Żvediża

9,5598

CHF

Frank Żvizzeru

1,0994

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,3018

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

26,035

HUF

Forint Ungeriż

306,42

PLN

Zloty Pollakk

4,2127

RON

Leu Rumen

4,5670

TRY

Lira Turka

4,0576

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4532

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4540

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,0059

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5640

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5773

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 294,27

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

14,8896

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,7889

HRK

Kuna Kroata

7,4143

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 359,65

MYR

Ringgit Malażjan

4,9436

PHP

Peso Filippin

58,633

RUB

Rouble Russu

68,0915

THB

Baht Tajlandiż

38,751

BRL

Real Brażiljan

3,6432

MXN

Peso Messikan

20,1750

INR

Rupi Indjan

74,1515


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

20.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 234/3


Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika)

[It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bl-Ingliż fuq is-sit web tal-KEPD www.edps.europa.eu)

(2017/C 234/03)

Din l-Opinjoni tiddeskrivi l-pożizzjoni tal-KEPD dwar il-Proposta għal Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, li hija li tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika.

Mingħajr ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika, il-qafas tal-UE dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data ma jkunx ikkompletat. Filwaqt li l-GDPR — ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data — huwa kisba kbira, neħtieġu għodda legali speċifika biex nipproteġu d-dritt għall-ħajja privata ggarantit permezz tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet hija komponent essenzjali tiegħu. Il-KEPD għalhekk jilqa’ u jsostni l-Proposta li għandha l-għan li tagħmel dan. Il-KEPD isostni wkoll l-għażla tal-istrument legali, jiġifieri regolament li ser japplika direttament u jikkontribwixxi għal livell akbar ta’ armonizzazzjoni u konsistenza. Hu jilqa’ l-ambizzjoni li jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni b’rispett kemm tal-kontenut kif ukoll tal-metadata u jappoġġja l-objettiv li jiġu estiżi l-obbligi ta’ kunfidenzjalità għal firxa usa’ ta’ servizzi — inklużi l-hekk imsejħa servizzi “over the top” (OTTs) — li jirrifletti l-progress tat-teknoloġija. Hu jikkonsidra wkoll li d-deċiżjoni li jingħataw setgħat tal-infurzar lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data biss, u d-disponibbiltà tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u konsistenza fil-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) futur, se tikkontribwixxi għal infurzar iżjed konsistenti u effettiv madwar l-UE.

Fl-istess ħin, il-KEPD jitħasseb dwar jekk il-Proposta, kif inhi, tistax fil-fatt tissodisfa l-wegħda tagħha li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-privatezza fil-komunikazzjonijiet elettroniċi. Jeħtieġ li jkollna qafas legali ġdid għall-Privatezza Elettronika, iżda jeħtieġ li jkollna wieħed aktar intelliġenti, aktar ċar u aktar b’saħħtu. Għad hemm ħafna x’isir: il-kumplessità tar-regoli, kif deskritta fil-Proposta, hija diffiċli. Il-komunikazzjonijiet huma maqsumin f’metadata, data tal-kontenut, data li toħroġ minn tagħmir terminali. Kull waħda minn dawn għandha d-dritt għal livell differenti ta’ kunfidenzjalità u hija soġġetta għal eċċezzjonijiet differenti. Din il-kumplessità tista’ ġġib ir-riskju ta’ lakuni — forsi mhux intenzjonati — fil-protezzjoni.

Il-maġġoranza tad-definizzjonijiet li l-Proposta tistrieħ fuqhom ser jiġu negozjati u deċiżi fil-kuntest ta’ strument legali differenti: il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi. Fil-preżent ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni legali biex iż-żewġ strumenti jiġu konnessi tant mill-qrib u d-definizzjonijiet li jiffokaw fuq il-kompetizzjoni u s-suq mill-Kodiċi sempliċement mhumiex adattati għall-iskop fil-kuntest tad-drittijiet fundamentali. Il-KEPD għalhekk jargumenta biex jiġu inklużi sett ta’ definizzjonijiet neċessarji fir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika, b’kont meħud tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettivi maħsubin tiegħu.

Irridu nagħtu attenzjoni partikolari wkoll lill-kwistjoni tal-ipproċessar tad-data tal-komunikazzjonijiet elettroniċi mill-kontrolluri minbarra l-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Il-protezzjonijiet addizzjonali offruti lid-data tal-komunikazzjonijiet ikunu inutli jekk dawn jistgħu jiġu evitati faċilment permezz, pereżempju, tat-trasferiment tad-data lil partijiet terzi. Għandu jiġi żgurat ukoll li r-regoli tal-Privatezza Elettronika ma jippermettux standard aktar baxx ta’ protezzjoni minn dak stabbilit fil-GDPR. Pereżempju, kif meħtieġ skont il-GDPR, il-kunsens għandu jkun ġenwin, u joffri lill-utenti l-libertà li jagħżlu. Ma għandux ikun hemm aktar “tracking walls”. Barra minn hekk, ir-regoli l-ġodda jeħtieġ li jistabbilixxu wkoll rekwiżiti b’saħħithom għall-privatezza fid-disinn u b’mod awtomatiku. Fl-aħħar nett, f’din l-Opinjoni, il-KEPD jindiriza wkoll kwistjonijiet urġenti oħrajn, inklużi r-restrizzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet.

1.   INTRODUZZJONI U SFOND

Din l-Opinjoni (Opinjoni) hija risposta għal talba tal-Kummissjoni Ewropea (Kummissjoni) lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), bħala awtorità superviżorja indipendenti u korp konsultattiv, sabiex tagħti opinjoni dwar il-Proposta għal Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika (1) (il-Proposta). Il-Proposta hija maħsuba biex tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 2002/58/KE dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika (id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika) (2). Il-Kummissjoni talbet ukoll l-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-Artikolu 29 (WP29), li fih il-KEPD ikkontribwixxa bħala membru sħiħ (3).

Din l-Opinjoni ssegwi l-Opinjoni Preliminari tagħna 5/2016 dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika (2002/58/KE) (4), maħruġa fit-22 ta’ Lulju 2016. Il-KEPD jista’ jipprovdi wkoll aktar pariri fi stadji sussegwenti tal-proċedura leġiżlattiva.

Il-Proposta hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali (5), li għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja u s-sigurtà fis-servizzi diġitali fl-UE b’attenzjoni partikolari fuq l-iżgurar ta’ livell ta’ protezzjoni għoli għaċ-ċittadini u kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti kollha tas-suq madwar l-UE.

Il-Proposta tfittex li timmodernizza u taġġorna d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika bħala parti mill-isforz usa’ li jkun ipprovdut qafas legali koerenti u armonizzat għall-protezzjoni tad-data fl-Ewropa. Id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika tidħol fid-dettall u tikkumplimenta d-Direttiva 95/46/KE (6), li ser tiġi sostitwita mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) adottat reċentement (7).

Il-KEPD l-ewwel, fit-Taqsima 2, jagħti fil-qosor l-osservazzjonijiet ewlenin tiegħu dwar il-Proposta, u jiffokka fuq l-aspetti pożittivi tal-Proposta. It-tieni, fit-Taqsima 3, hu jqajjem it-tħassib prinċipli li fadal tiegħu u jagħti rakkomandazzjonijiet dwar kif dawn jistgħu jiġu indirizzati. Tħassib addizzjonali u rakkomandazzjonijiet għal titjib ulterjuri huma deskritti fl-Anness għal din l-Opinjoni, li tiddiskuti l-Proposta f’aktar dettall. L-indirizzar tat-tħassib imqajjem f’din l-Opinjoni u l-Anness tagħha u t-titjib ulterjuri tat-test tar-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika ma jservix biss biex jipproteġi aħjar l-utenti finali u suġġetti oħra tad-data kkonċernati, iżda jintroduċi wkoll aktar ċertezza legali għall-partijiet ikkonċernati kollha involuti.

4.   KONKLUŻJONIJIET

Il-KEPD jilqa’ l-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Privatezza Elettronika modernizzat, aġġornat u msaħħaħ. Hu jaqsam il-fehma li hemm ħtieġa kontinwa li jkun hemm regoli speċifiċi għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-UE u biex jikkumplimentaw u jiddettaljaw ir-rekwiżiti tal-GDPR. Hu jqis ukoll li neħtieġu dispożizzjonijiet legali sempliċi, immirati u teknoloġikament newtrali li jipprovdu protezzjoni b’saħħitha, intelliġenti u effettiva għall-futur previst.

Il-KEPD jilqa’ l-ambizzjoni ddikjarata li jingħata livell għoli ta’ protezzjoni kemm lill-kontenut kif ukoll lill-metadata, b’mod partikolari l-elementi pożittivi prinċipali deskritti fit-Taqsima 2.1.

Filwaqt li jilqa’ l-Proposta, il-KEPD jibqa’ mħasseb dwar numru ta’ dispożizzjonijiet li jistgħu jfixklu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-privatezza fil-komunikazzjonijiet elettroniċi. B’mod partikolari, il-KEDP għandu t-tħassib ewlieni li ġej:

id-definizzjonijiet skont il-Proposta ma jridux jiddependu fuq il-proċedura leġiżlattiva separata li tikkonċerna d-Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (8) (il-Proposta dwar il-KEKE);

id-dispożizzjonijiet dwar il-kunsens tal-utent finali jeħtieġu jiġu msaħħa. Il-kunsens għandu jintalab mill-individwi li qed jużaw is-servizzi, kemm jekk ikunu abbonaw għalihom u kemm jekk le u mill-partijiet kollha għal komunikazzjoni. Barra dan, is-suġġetti tad-data li mhumiex partijiet għall-komunikazzjonijiet jeħtieġ ikunu protetti wkoll;

jeħtieġ li jiġi żgurat li r-relazzjoni bejn il-GDPR u r-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika ma tħallix lakuni għall-protezzjoni tad-data personali. Id-data personali miġbura fuq il-bażi tal-kunsens tal-utent finali jew raġuni oħra legali skont ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika sussegwentement ma għandhiex tiġi pproċessata aktar barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunsens jew din l-eċċezzjoni għal raġuni legali li kieku tkun disponibbli skont il-GDPR, iżda mhux skont ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika;

il-Proposta mhix ambizzjuża fir-rigward tal-hekk imsejħa “tracking walls” (magħrufin ukoll bħala “cookie walls”). L-aċċess għas-siti web ma għandux jiddependi fuq l-individwu li qed jiġi sfurzat jagħti “kunsens” biex jiġi rintraċċat fuq is-siti web. Fi kliem ieħor, il-KEPD jitlob il-leġiżlaturi jiżguraw li l-kunsens jingħata ġenwinament b’mod ħieles;

il-Proposta tonqos milli tiżgura li l-brawżers (u softwer ieħor li jitqiegħed fis-suq li jippermetti l-komunikazzjonijiet elettroniċi) ser ikunu ssettjati awtomatikament biex jipprevjenu l-intraċċar tal-passi diġitali tal-individwi;

l-eċċezzjonijiet li jirrigwardaw l-intraċċar tal-lok tat-tagħmir terminali huma wisgħin wisq u neqsin minn salvagwardji adegwati;

il-Proposta tinkludi l-possibbiltà għall-Istati Membri biex jintroduċu restrizzjonijiet; dawn jitolbu salvagwardji speċifiċi.

Dan it-tħassib ewlieni — flimkien mar-rakkomandazzjonijiet dwar kif jiġi indirizzat — huwa deskritt f’din l-Opinjoni. Lil hinn mill-kummenti ġenerali tagħna u t-tħassib prinċipali dettaljati fil-korp prinċipali tal-Opinjoni, il-KEPD jipprovdi wkoll kummenti ulterjuri — u kultant aktar tekniċi — u rakkomandazzjonijiet dwar il-Proposta f’Anness, b’mod partikolari, sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-leġiżlaturi u partijiet ikkonċernati oħra li jixtiequ jtejbu aktar it-test matul il-proċess leġiżlattiv. Fl-aħħar nett, aħna ninnotaw ukoll l-importanza ta’ pproċesar rapidu ta’ dan id-dossier importanti mil-leġiżlaturi, biex jiġi żgurat li r-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika, kif maħsub, jista’ jibda japplika sa mill-25 ta’ Mejju 2018, id-data li fiha jibda japplika wkoll il-GDPR stess.

L-importanza tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta qiegħda tikber bir-rwol akbar tal-komunikazzjoni elettronika fis-soċjetà u l-ekonomija tagħna. Is-salvagwardji msemmijin f’din l-Opinjoni ser ikollhom rwol ewlieni fl-iżgurar tas-suċċess tal-objettivi strateġiċi fit-tul tal-Kummissjoni msemmijin fl-Istrateġija DSM.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2017.

Giovanni BUTTARELLI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi u li jħassar id-Direttiva 2002/58/KE (ir-Regolament dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi), COM(2017) 10 final, 2017/0003 (COD).

(2)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(3)  Opinjoni tal-WP29 1/2017 dwar ir-Regolament Propost dwar il-Privatezza Elettronika (2002/58/KE) (WP247) adottata fl-4 ta’ April 2017. Ara wkoll l-Opinjoni tad-WP29 3/2016 dwar l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika (2002/58/KE) (WP240) adottata fid-19 ta’ Lulju 2016.

(4)  Ara https://secure.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2016/16-07-22_Opinion_ePrivacy_EN.pdf

(5)  Strateġija għal Suq Uniku Diġitali, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni, 6 ta’ Mejju 2015, COM(2015) 192 finali) disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/PDF/?uri=CELEX:52015DC0192&from=MT

(6)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(7)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)  Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, COM (2016) 590 final, 2016/0288(COD) tat-12 ta’ Ottubru 2016.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

20.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 234/6


Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri kumpensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċertu trota qawsalla li joriġinaw mit-Turkija

(2017/C 234/04)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku antisussidju”).

1.   Talba għal rieżami

It-talba għal rieżami ġiet ippreżentata mill-Assoċjazzjoni tal-Esportaturi tal-Eġew (‘l-applikant’), f’isem produtturi/esportaturi ta’ trota qawsalla tat-Turkija (“il-pajjiż ikkonċernat”).

2.   Il-prodott taħt rieżami

Il-prodott suġġett ta’ dan ir-rieżami huwa t-trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss)

li kull waħda tiżen ħajja 1,2 kg jew anqas, jew

friska, imkessħa, iffriżata u/jew affumikata:

fil-forma ta’ ħuta sħiħa (bir-ras), bil-garġi mneħħija jew le, kemm jekk imnaddfa jew le, li tiżen 1,2 kg jew anqas kull waħda, jew

bla ras, bil-garġi mneħħija jew le, kemm jekk imnaddfa jew le, li tiżen 1 kg jew anqas kull waħda, jew

fil-forma ta’ flettijiet li jiżnu 400 g jew anqas kull waħda,

li joriġina mit-Turkija u li fil-preżent jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 0301 91 90, ex 0302 11 80, ex 0303 14 90, ex 0304 42 90, ex 0304 82 90 and ex 0305 43 00 (il-kodiċi TARIC 0301919011, 0302118011, 0303149011, 0304429010, 0304829010 u 0305430011) (“il-prodott taħt rieżami”).

3.   Il-miżuri eżistenti

Il-miżuri li hemm fis-seħħ bħalissa huma dazju kumpensatorju definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/309 (2).

L-applikant jallega li l-issuktar tal-impożizzjoni tal-miżura fuq l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami fil-livell attwali tagħha ma għadux neċessarju biex ipatti għas-sussidjar kumpensatorju. F’dan ir-rigward, l-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li turi tibdil sinifikanti fl-istruttura u t-termini ta’ implimentazzjoni ta’ sussidji diretti mogħtija lill-produtturi għal kull kg ta’ trota qawsalla li tiġi prodotta. Bil-modalitajiet il-ġodda l-limiti ta’ eliġibbiltà jintlaħqu aktar malajr, u għal kull produzzjoni ’l fuq minn dak il-limitu, ma jingħatawx aktar sussidji. Għalhekk dan it-tibdil irriżulta fi tnaqqis sinifikanti tal-ammont ta’ sussidju li jirċievu, b’mod partikolari, il-produtturi esportaturi kbar tal-prodott taħt rieżami.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza prima facie li turi li ċ-ċirkostanzi rigward is-sussidjar inbidlu ħafna u li huma ta’ natura permanenti, u għalhekk jeħtieġ li jsir rieżami tal-miżuri.

4.   Proċedura

Meta stabbilixxiet, wara li infurmat lill-Istati Membri, li hemm biżżejjed evidenza sabiex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ rieżami interim parzjali limitat għall-eżami ta’ sussidju, il-Kummissjoni qed tagħti bidu għal rieżami b’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. L-għan ta’ dan ir-rieżami huwa li jiġi stabbilit jekk l-impożizzjoni kontinwata tal-miżuri għadhiex meħtieġa biex tikkumpensa s-sussidju kompensabbli.

Wara r-rieżami, jista’ jkun meħtieġ li tiġi emendata r-rata tad-dazju imposta fuq importazzjonijiet ta’ ċertu trota qawsalla li joriġina mit-Turkija.

Il-Gvern tat-Turkija ġie mistieden għall-konsultazzjonijiet.

4.1.    Proċedura biex jiġi ddeterminat jekk hemmx ħtieġa li titkompla l-impożizzjoni tal-miżuri

Il-produtturi esportaturi (3) tal-prodott taħt rieżami mit-Turkija u l-awtoritajiet tat-Turkija huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

Il-proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati fit-Turkija

(a)   Il-kampjunar

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fit-Turkija li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li hemm bżonn jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “il-kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif jirrikjedi l-Anness I ta’ din in-notifika.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tagħmel kuntatt ukoll mal-awtoritajiet tat-Turkija u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Biex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula biex ikunu fil-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jibagħtu kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li qed jikkooperaw (“il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li jikkooperaw”). Bla preġudizzju għat-Taqsima (b) ta’ hawn taħt, id-dazju kumpensatorju li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li jikkooperaw mhux se jaqbeż ammonti medji pponderati ta’ sussidju stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (4).

(b)   Marġni ta’ sussidju individwali għall-kumpaniji li mhumiex inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-ammonti ta’ sussidju individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni ta’ sussidju individwali jridu jitolbu kwestjonarju u jirritornawh mimli kif suppost fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu ammont ta’ sussidju individwali għandhom ikunu jafu li l-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax l-ammont ta’ sussidju individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun ta’ piż żejjed u ma jkunx jippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

4.2.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jibagħtu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.3.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-istadju inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

4.4.    Istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza.

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta li huma soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) li l-Kummissjoni tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta minn partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali jeħtieġ li jkunu mmarkati bħala “Limited” (5). Kull talba għal trattament kunfidenzjali trid tiġi ġustifikata kif dovut.

Il-partijiet interessati li jagħtu informazzjoni mmarkata “Limited” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li jkunu mmarkati “For inspection by interested parties”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed sabiex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali tkun tinftiehem raġonevolment. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni fuq bażi kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li jiġu mressqa fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra reġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali operattiv u kkontrollat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika: trade_trout_review@ec.europa.eu

5.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jsiru konklużjonijiet, kemm jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk xi parti interessata ma tikkoperax jew tikkopera biss parzjalment u għalhekk il-konklużjonijiet ikunu msejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din tkun ikkooperat.

In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li biex tippreżenta t-tweġiba kif mitlub ikun ifisser piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja l-Kummissjoni immedjatament.

6.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ punt ta’ kuntatt bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu kompletament.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta jenħtieġ li ssir bil-miktub u għandhom jiġu speċifikati r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-istadju inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll opportunitajiet biex issir seduta ta’ smigħ li tinvolvi l-partijiet li tippermetti li jiġu ppreżentati opinjonijiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet relatati mal-investigazzjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

7.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

8.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

Id-dejta personali kollha miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ tali id-dejta (6).


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/309, tas-26 ta’ Frar 2015 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 56, 27.2.2015, p. 12).

(3)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, direttament jew permezz ta’ parti terza, inkluż kull kumpanija relatata miegħu involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott taħt riżeami.

(4)  Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku, l-ammonti żero u de minimis kollha ta’ sussidji kumpensatorji u l-ammonti ta’ sussidji kumpensatorji stabbiliti fiċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, jitwarrbu.

(5)  Dokument immarkat “Limited” huwa dokument meqjus bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2016/1037 (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55) u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

20.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 234/13


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8575 — OTPP/AIMCo/Borealis/KIA/LCY)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 234/05)

1.

Fit-13 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriżi Ontario Teachers’ Pension Plan Board (“OTPP”, il-Kanada) u Alberta Investment Management Corporation (“AIMCo”, il-Kanada), u Borealis European Holdings (“Borealis”, in-Netherlands), u Kuwait Investment Authority (“KIA”, il-Kuwajt) jakkwistaw fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet takkwista kull kontroll konġunt ta’ London City Airport (“LCY”, ir-Renju Unit), permezz ta’ emenda tal-ftehim tal-azzjonisti li għandhom x’jaqsmu LCY.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal OTPP: l-amministrazzjoni ta’ benefiċċji tal-pensjoni u l-investiment ta’ assi ta’ pjanijiet tal-pensjoni f’isem madwar 318 000 għalliem attivi u rtirati fil-Provinċja Kanadiża ta’ Ontario.

—   għal AIMCo: ġestjoni ta’ investiment istituzzjonali.

—   għal Borealis: ġestjoni b’mod esklussiv tal-infrastruttura għall-Ontario Municipal Employees Retirement System (OMERS) u li hija proprjetà ta’ OMERS li tamministra portafoll dinji diversifikat ta’ stocks u bonds kif ukoll proprjetà immobbli, infrastruttura u investimenti tal-ekwità privata għal aktar minn 470 000 membru u pensjonanti f’isem madwar 1 000 persuna li jħaddmu madwar Ontario, il-Kanada.

—   għal KIA: investitur dinji, b’investimenti fiż-żoni ġeografiċi prinċipali kollha u fil-klassijiet ta’ assi prinċipali kollha, li jkopru ekwitajiet, introjtu fiss, teżor, ekwità privata u proprjetà.

—   għal LCY: ajruport kummerċjali fis-City of London.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bir-referenza M.8575 — OTPP/AIMCo/Borealis/KIA/LCY, fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


20.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 234/14


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8553 — Banco Santander/Banco Popular Group)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 234/06)

1.

Fl-14 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha Banco Santander S.A. (“Santander”, Spanja) jakkwista fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll tal-Banco Popular Español S.A. (“BPE”, Spanja) permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Santander, attiva f’servizzi bankarji, servizzi ta’ teżorerija u assigurazzjoni, hija l-impriża prinċipali ta’ grupp internazzjonali ta’ kumpaniji bankarji u finanzjarji, li taħdem prinċipalment fi Spanja, pajjiżi Ewropej oħra inklużi l-Portugall, ir-Renju Unit, l-Amerika Latina u l-Istati Uniti tal-Amerika.

BPE hija l-kumpanija principali tal-grupp BPE, li jikkonsisti fl-entitajiet finanzjarji li ġejjin: Banco Pastor, BPE Banca Privada, TotalBank u Banco BPE Portugal. BPE għandu wkoll sehem f’Targobank u WiZink. BPE jipprovdi servizzi bankarji kif ukoll servizzi ta’ assigurazzjoni, kemm fi Spanja kif ukoll fil-Portugall. BPE huwa kkwotat fil-borża ta’ Madrid, ta’ Barċellona, ta’ Bilbao u f’dik ta’ Valencia.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bir-referenza M.8553 — Banco Santander/Banco Popular Group, fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).