ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 154

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 60
17 ta' Mejju 2017


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 154/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8463 — CPPIB/PSPIB/Waiheke) ( 1 )

1

2017/C 154/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8418 — Peter Cremer Holding/Hage/König Transportgesellschaft) ( 1 )

1

2017/C 154/03

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8446 — ELO/AP1/Real Estate Portfolio in Finland) ( 1 )

2

2017/C 154/04

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8427 — KKR/Telefónica/Telxius) ( 1 )

2


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 154/05

Rata tal-kambju tal-euro

3

2017/C 154/06

Avviż tal-Kummissjoni — Dokument ta' gwida — L-iskema tal-UE li tirregola l-kummerċ fl-avorju fl-UE u r-riesportazzjoni tiegħu

4

2017/C 154/07

Avviż tal-Kummissjoni — Gwida dwar il-kampjuni maħdumin skont ir-Regolamenti tal-UE dwar il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi

15

2017/C 154/08

Notifika tal-Kummissjoni dwar ir-rati ta’ interessi ta’ rkupru preżenti għall-Għajnuna mill-Istat u rati ta’ referenza/tnaqqis għat-28 Stat Membru applikabbli mill-1 ta’ Ġunju 2017(Ippubblikat skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 ( ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1 ))

27


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

17.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 154/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8463 — CPPIB/PSPIB/Waiheke)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 154/01)

Fit-3 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32017M8463. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


17.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 154/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8418 — Peter Cremer Holding/Hage/König Transportgesellschaft)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 154/02)

Fit-3 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fil-Ġermaniż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32017M8418. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


17.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 154/2


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8446 — ELO/AP1/Real Estate Portfolio in Finland)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 154/03)

Fit-3 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32017M8446. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


17.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 154/2


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8427 — KKR/Telefónica/Telxius)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 154/04)

Fl-10 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32017M8427. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

17.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 154/3


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Is-16 ta’ Mejju 2017

(2017/C 154/05)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1059

JPY

Yen Ġappuniż

125,67

DKK

Krona Daniża

7,4394

GBP

Lira Sterlina

0,85868

SEK

Krona Żvediża

9,7215

CHF

Frank Żvizzeru

1,0958

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,3918

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

26,420

HUF

Forint Ungeriż

309,54

PLN

Zloty Pollakk

4,1984

RON

Leu Rumen

4,5478

TRY

Lira Turka

3,9330

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4920

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5058

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,6143

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6090

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5457

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 234,76

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

14,5287

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,6185

HRK

Kuna Kroata

7,4303

IDR

Rupiah Indoneżjan

14 709,02

MYR

Ringgit Malażjan

4,7791

PHP

Peso Filippin

54,898

RUB

Rouble Russu

62,3000

THB

Baht Tajlandiż

38,187

BRL

Real Brażiljan

3,4316

MXN

Peso Messikan

20,6886

INR

Rupi Indjan

70,8505


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


17.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 154/4


AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

DOKUMENT TA' GWIDA

L-iskema tal-UE li tirregola l-kummerċ fl-avorju fl-UE u r-riesportazzjoni tiegħu

(2017/C 154/06)

L-għan ta' dawn il-linji gwida huwa li tingħata interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 (1) li tirrakkomanda li l-Istati Membri tal-UE (i) jissospendu l-esportazzjoni (jew ir-riesportazzjoni) ta' kampjuni tal-avorju mhux maħdum u (ii) jiżguraw interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tal-UE li jawtorizzaw il-kummerċ fl-avorju fl-UE u l-esportazzjoni (jew ir-riesportazzjoni) tal-avorju maħdum.

1.   Kuntest u ġustifikazzjoni

(i)   Il-qafas legali internazzjonali u tal-UE li jirregola l-kummerċ fl-avorju

L-iljunfant Afrikan tat-tip Loxodonta africana u l-iljunfant Ażjatiku Elephas maximus it-tnejn iddaħħlu fl-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), li ffirmawha 183 Parti, fosthom l-UE u l-Istati Membri kollha tal-UE. Bl-iskema attwali tas-CITES, il-kummerċ internazzjonali fl-avorju hu pprojbit, u hemm biss eżenzjonijiet limitati ħafna (b'mod partikulari għall-kampjuni li nxtraw qabel ma d-dispożizzjonijiet tas-CITES bdew japplikaw għall-avorju) (2). Is-CITES ma tirregolax il-kummerċ domestiku fl-avorju.

Fl-UE, is-CITES tiġi implimentata permezz tar-Regolament (KE) Nru 338/97 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni marbutin miegħu (ir-Regolamenti tal-UE dwar il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi). Barra minn hekk, fil-każ tal-avorju tal-iljunfanti (bħal fil-każ tal-ispeċijiet l-oħrajn imniżżlin fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 338/97), l-UE adottat miżuri li huma iktar stretti mid-dispożizzjonijiet tas-CITES.

Minħabba f'hekk, il-kummerċ fl-avorju hu rregolat b'mod strett fl-UE permezz tar-Regolamenti tagħha dwar il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi u, b'mod ġenerali, il-kummerċ fl-avorju għal skopijiet kummerċjali fl-UE, lejha jew minnha mhux permess.

Il-kummerċ fl-avorju fl-UE u r-riesportazzjoni tiegħu għal skopijiet kummerċjali huma permessi biss bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

il-kummerċ fl-avorju fl-UE huwa awtorizzat fil-każ tal-kampjuni tal-avorju importati fl-UE qabel ma l-ispeċijiet tal-iljunfanti ddaħħlu fl-Appendiċi I tas-CITES (dan seħħ fit-18 ta' Jannar 1990 fil-każ tal-iljunfanti Afrikani u fl-1 ta' Lulju 1975 fil-każ tal-iljunfanti Ażjatiċi) (3). Il-kummerċ fl-UE jista' jseħħ biss jekk l-Istat Membru tal-UE rilevanti jkun ħareġ ċertifikat għal dan il-għan, ħlief fil-każ tal-“kampjuni maħdumin” (ara d-definizzjoni mogħtija hawn taħt), li jkunu nkisbu qabel it-3 ta' Marzu 1947, li l-kummerċ fihom fl-UE jista' jseħħ mingħajr ċertifikat;

ir-riesportazzjoni mill-UE hija awtorizzata fil-każ tal-kampjuni tal-avorju li jkunu nkisbu qabel ma d-dispożizzjonijiet tas-CITES bdew japplikaw għalihom, jiġifieri qabel is-26 ta' Frar 1976 fil-każ tal-iljunfanti Afrikani u qabel l-1 ta' Lulju 1975 fil-każ tal-iljunfanti Ażjatiċi (4).

(ii)   Il-kuntest internazzjonali: żieda fil-kaċċa illegali tal-iljunfanti u fit-traffikar tal-avorju minħabba domanda dejjem ikbar għalihom mill-Asja

F'dawn l-aħħar snin, il-kaċċa illegali għall-iljunfanti żdiedet ħafna. Intqal li mill-2011 'il hawn kull sena nqatlu bejn 20 000 u 30 000 iljunfant Afrikan (5). Dan wassal għal tnaqqis kbir fil-popolazzjonijiet tal-iljunfanti Afrikani u qed jhedded l-irkupru ta' din l-ispeċi li ġie nnutat bejn l-1990 u nofs is-snin elfejn.

Flimkien ma' din iż-żieda sinifikanti fil-kaċċa illegali għall-iljunfanti Afrikani, il-kummerċ illegali fl-avorju żdied minħabba domanda li qed tkompli tikber għall-avorju fis-swieq Ażjatiċi. Skont is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Kummerċ fl-Iljunfanti (l-ETIS) (6), bejn l-2010 u l-2015 kull sena nqabdu madwar 39 tunnellata ta' avorju mhux maħdum u l-ammont ta' avorju maħdum li ġie ssekwestrat matul is-snin żdied, u kien ta' madwar 5,6 tunnellati fis-sena (7). Il-moviment ta' konsenji tal-avorju ta' skala kbira bħal dawn juri li n-netwerks transnazzjonali tal-kriminalità organizzata qed ikunu dejjem aktar involuti fil-kummerċ illegali tal-avorju.

Biex twieġeb għaż-żieda fil-kaċċa illegali għall-iljunfanti u fit-traffikar tal-avorju, il-komunità internazzjonali ntrabtet li tagħmel diversi azzjonijiet permezz ta' Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Assemblea dwar l-Ambjent ta' din l-organizzazzjoni, kif ukoll waqt diversi konferenzi ta' livell għoli.

Waqt is-17-il Konferenza tal-Partijiet tas-CITES li saret f'Ottubru 2016, il-Partijiet ftehmu fuq għadd ta' miżuri ġodda li għandhom l-għan li jsaħħu l-infurzar tar-regoli kontra l-kaċċa illegali tal-iljunfanti u t-traffikar tal-avorju, li jnaqqsu d-domanda għall-avorju illegali u li jkomplu jsaħħu l-iskrutinju tal-legalità tal-avorju li jkun hemm fis-swieq domestiċi.

Ir-Riżoluzzjoni 10.10 (ir-reviżjoni CoP17) tal-Konferenza tas-CITES dwar il-kummerċ fl-iljunfanti tħeġġeġ lill-Partijiet idaħħlu fis-seħħ miżuri interni komprensivi leġiżlattivi, regolatorji u ta' infurzar u miżuri oħrajn għas-swieq domestiċi u għall-kummerċ fl-avorju. Din ir-Riżoluzzjoni tirrakkomanda wkoll “li dawk kollha li huma Partijiet u li mhumiex li għandhom suq domestiku legali tal-avorju fil-ġuriżdizzjoni tagħhom li qed jikkontribwixxi għall-kaċċa illegali jew għall-kummerċ illegali jieħdu l-miżuri neċessarji leġiżlattivi, regolatorji u ta' infurzar kollha biex jipprojbixxu l-kummerċ fl-avorju maħdum u mhux maħdum fis-swieq domestiċi tagħhom malajr kemm jista' jkun”, u tirrikonoxxi li “jista' jkun hemm lok għal xi ftit eżenzjonijiet minn din il-projbizzjoni għal ċerti kampjuni, iżda l-ebda eżenzjoni ma għandha tikkontribwixxi għall-kaċċa illegali jew għall-kummerċ illegali”.

(iii)   Żieda fil-kummerċ legali fl-avorju mill-UE lejn l-Asja

Ir-riesportazzjonijiet kummerċjali mill-UE, kemm tal-avorju maħdum kif ukoll ta' dak mhux maħdum, li jsiru skont ir-Regolament (KE) Nru 338/97, (“ir-riesportazzjonijiet legali”) żdiedu ħafna f'dawn l-aħħar snin, u kien hemm xejra favur għadd kbir ta' riesportazzjonijiet tal-avorju lejn l-Asja tal-Lvant (ara l-kaxxa numru 1).

Il-kaxxa numru 1

Il-livelli tar-riesportazzjonijiet legali tal-avorju mill-UE — fatti u ċifri bażiċi

Il-kampjuni li għandhom l-ikbar sehem mir-riesportazzjonijiet tal-kampjuni tal-avorju mhux maħdum mill-UE huma s-snien twal bil-ponta tal-iljunfanti. Filwaqt li bejn l-2006 u l-2012 l-għadd ta' snien twal bil-ponta li kienu riesportati ta' kull sena mill-UE dejjem kien ta' inqas minn 100 unità (ħlief għall-2008 meta ġew riesportati 111-il kampjun), din iċ-ċifra żdiedet ferm fl-2013 (għal iktar minn 300 kampjun) u żdiedet ferm aktar fl-2014 u fl-2015 (meta ġew riesportati iktar minn 600 kampjun kull sena). Is-snien twal bil-ponta tal-iljunfanti li ġew riesportati mill-UE fl-2014 u fl-2015 kważi kollha ntbagħtu lejn iċ-Ċina jew lejn ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.

Minbarra l-kummerċ fis-snien twal bil-ponta, l-Istati Membri tal-UE rrappurtaw ukoll li fl-aħħar għaxar snin kien hemm kummerċ fl-avorju mhux maħdum fil-forma ta' biċċiet tal-avorju. Jidher li kien hemm tnaqqis ġenerali fir-riesportazzjonijiet tal-biċċiet tal-avorju rrappurtati skont il-piż, iżda li kien hemm żieda ġenerali fir-riesportazzjonijiet irrappurtati skont l-għadd ta' kampjuni (b'varjazzjonijiet kbar minn sena għall-oħra), u dan jista' jfisser li l-kummerċ f'dan il-prodott bażiku baqa' pjuttost stabbli fl-għaxar snin li għaddew. Madankollu, huwa diffiċli li wieħed jikkwantifika l-kwantitajiet reali tal-biċċiet tal-avorju minħabba li jista' jkun hemm differenzi kbar fid-daqs tagħhom.

F'dawn l-aħħar snin żdied l-għadd ta' kampjuni tal-avorju maħdum riesportat mill-UE u d-dejta li bagħtu l-Istati Membri turi li dan żdied b'mod sinifikanti mill-2012 'l hawn. F'dak li għandu x'jaqsam mal-kummerċ fil-kampjuni individwali, l-ogħla kwantitajiet ġew irrappurtati fl-2015 (meta ġew riesportati 10 000 kampjun tal-avorju). Madankollu, ta' min jinnota li l-Istati Membri differenti jagħtu t-tagħrif dwar il-kummerċ f'unitajiet differenti. Minbarra l-kummerċ fil-kampjuni individwali, it-tagħrif dwar il-kummerċ ġie rrappurtat ukoll bil-massa tiegħu (f'kilogrammi). Kien hemm varjazzjonijiet kbar fir-riesportazzjonijiet tal-avorju li l-Istati Membri rrappurtaw bil-massa, u dawn laħqu l-ogħla livell tagħhom fl-2012, meta ġew irrappurtati madwar 600 kg, minbarra 7 000 kampjun individwali, u fl-2015, meta ġew irrappurtati madwar 200 kg.

Ir-riesportazzjoni tal-kampjuni tal-avorju maħdum tinkludi ħafna kampjuni ta' tipi differenti (fosthom antikitajiet, strumenti mużikali u diversi tipi ta' prodotti mnaqqxin oħrajn). Is-swieq ewlenin li lejhom intbagħtu dawn il-kampjuni kienu dawk taċ-Ċina u tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, iżda ġie rrappurtat kummerċ, f'livell inqas, lejn pajjiżi oħrajn, b'mod partikulari lejn l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Iżvizzera, il-Ġappun u l-Federazzjoni Russa.

Id-dejta li ntużat biex jiġu vvalutati l-livelli tal-kummerċ kienet ġejja mir-rekords dwar ir-riesportazzjoni li l-Istati Membri tal-UE rrappurtaw bħala parti mir-rapporti annwali tagħhom tas-CITES skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament Kunsill (KE) Nru 338/97

(iv)   L-inizjattivi tal-UE kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi b'rabta mal-kummerċ fl-avorju fl-UE u mal-esportazzjoni tiegħu

Il-Komunikazzjoni dwar Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi (8) tistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw strateġija komprensiva kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi. B'mod partikulari, fil-kuntest tal-Azzjoni 2 tagħha dwar “Iktar limitazzjoni tal-kummerċ fl-avorju fl-UE u minnha”, il-Komunikazzjoni tipprevedi, b'mod partikulari, li sa tmiem l-2016, il-Kummissjoni Ewropea għandha toħroġ linji gwida “sabiex tkun żgurata interpretazzjoni uniformi tar-regoli tal-UE bil-għan li tiġi sospiża l-esportazzjoni tal-avorju mhux maħdum ta' qabel il-Konvenzjoni u jiġi ggarantit li fl-UE jiġu nnegozjati biss oġġetti tal-avorju antiki legali”.

Fil-Konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2016 dwar din il-Komunikazzjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ħeġġeġ “lill-Istati Membri biex ma joħorġux dokumenti tal-esportazzjoni jew tal-esportazzjoni mill-ġdid tal-avorju mill-iljunfanti mhux maħdum ta' qabel il-Konvenzjoni abbażi tal-linji gwida tal-UE u biex jikkunsidraw aktar miżuri biex jitwaqqaf in-negozju kummerċjali fl-avorju mill-iljunfanti”.

Dawn il-linji gwida ġew żviluppati bi tweġiba għal dawn it-talbiet.

Id-domanda dejjem tiżdied għall-avorju fl-Asja hija waħda mill-fatturi ewlenin li qed jixprunaw il-livelli attwali għoljin ta' kaċċa illegali tal-iljunfanti u ta' traffikar tal-avorju. Permezz ta' dawn il-linji gwida, l-UE se tikkontribwixxi biex tnaqqas it-tali domanda u se tappoġġa l-isforzi li qed jagħmlu s-swieq il-kbar ta' destinazzjoni għall-prodotti tal-organiżmi selvaġġi, bħaċ-Ċina, li fl-2016 adottat miżuri speċifiċi biex tillimita l-importazzjonijiet tal-kampjuni tal-avorju fit-territorju tagħha u li ħabbret li sa tmiem l-2017 se telimina b'mod gradwali s-suq domestiku tagħha tal-avorju. Dawn il-linji gwida għandhom l-għan ukoll li jiżguraw li ma jkunx hemm kummerċ fl-UE jew minnha fl-avorju li joriġina b'mod illegali, u li l-kummerċ legali fl-avorju ma jkunx jista' jintuża biex isir il-kummerċ fl-avorju illegali.

Dawn il-linji gwida l-ewwel jittrattaw ir-riesportazzjoni tal-avorju mill-UE (fit-taqsima 3), imbagħad jittrattaw il-kummerċ fl-avorju fl-UE (fit-taqsima 4).

2.   L-istatus tad-dokument

Dan id-dokument ta' gwida ġie diskuss mar-rappreżentanti tal-Istati Membri miġburin fil-“Grupp ta' Esperti tal-Awtoritajiet Amministrattivi Kompetenti tas-CITES” u ġie żviluppat b'kooperazzjoni magħhom.

Dan l-avviż huwa maħsub biex igħin liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-awtoritajiet nazzjonali japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 338/97 u r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tiegħu. Dan id-dokument ta' gwida ma jiħux post id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill u tar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tiegħu, u lanqas ma jżid dispożizzjonijiet magħhom jew jemendahom; barra minn hekk, huwa ma għandux jitqies waħdu iżda għandu jintuża flimkien ma' dawn il-liġijiet. Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li għandha l-kompetenza tinterpreta b'mod awtorevoli l-liġijiet tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika dan id-dokument b'mod elettroniku u l-Istati Membri wkoll jistgħu jippubblikawh.

Il-Kummissjoni se tirrevedi dan id-dokument b'konsultazzjoni mal-“Grupp ta' Esperti tal-Awtoritajiet Amministrattivi Kompetenti tas-CITES” fit-tieni nofs 2019. Madankollu, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jagħtu każ, b'mod speċifiku, it-tħassib dwar il-kummerċ domestiku fl-avorju, kif ukoll ir-riesportazzjoni tal-avorju maħdum mill-UE, sabiex iqisu jekk hemmx bżonn isiru bidliet f'dawn il-linji gwida b'rabta ma' dawn il-punti qabel it-tieni nofs 2019.

3.   Gwida dwar l-interpretazzjoni tar-regoli tal-UE dwar ir-riesportazzjoni tal-avorju

(i)   Gwida dwar ir-riesportazzjoni tal-avorju mhux maħdum

Ir-regoli li jirregolaw ir-riesportazzjoni tal-kampjuni tal-avorju mhux maħdum (9) li jkunu nkisbu qabel ma d-dispożizzjonijiet tas-CITES bdew japplikaw għalihom huma stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 338/97.

Skont l-Artikolu 5(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 338/97, huma u jivvalutaw l-applikazzjonijiet għar-riesportazzjoni tal-avorju mhux maħdum, l-Awtoritajiet Amministrattivi jridu jkunu “sodisfatti wara konsultazzjoni mal-awtorità xjentifika kompetenti, li ma jkunx hemm fatturi oħra li għandhom x'jaqsmu mal-konservazzjoni tal-ispeċi li jkunu opposti għall-ħruġ tal-permess ta' esportazzjoni”.

Dawn id-dispożizzjonijiet iridu jiġu interpretati fid-dawl taċ-ċirkustanzi deskritti fit-taqsima 1, kif ukoll fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-kummerċ internazzjonali fl-avorju mhux maħdum. L-avorju mhux maħdum għandu l-ikbar sehem mill-avorju li jidħol fil-kummerċ illegali internazzjonali mad-dinja kollha. Id-dejta li l-Partijiet tas-CITES bagħtu lill-ETIS turi dan għax turi li l-biċċa l-kbira tal-avorju ssekwestrat mad-dinja kollha huwa avorju illegali mhux maħdum. L-avorju mhux maħdum jikkonsisti l-aktar fi snien twal bil-ponta li mhux faċli jiġu distinti bejniethom. Minkejja l-fatt li l-kummerċ fis-snien twal bil-ponta legali jista' jsir biss jekk dawn ikunu mmarkati, hemm iktar riskju li r-riesportazzjoni legali tal-avorju mhux maħdum tintuża biex isir il-kummerċ illegali fl-avorju illegali mhux maħdum milli li din tintuża biex isir il-kummerċ illegali fl-avorju maħdum.

Is-sospensjoni tar-riesportazzjoni tal-avorju mhux maħdum mill-UE se tiżgura li s-snien twal bil-ponta li joriġinaw b'mod legali ma jitħalltux ma' avorju li joriġina b'mod illegali u se tgħin lill-pajjiżi destinatarji jimplimentaw l-azzjonijiet tagħhom biex inaqqsu d-domanda għall-avorju, u dawn huma passi importanti biex jiġu ttrattati l-kummerċ illegali fl-avorju u ż-żieda attwali fil-kaċċa illegali għall-iljunfanti.

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi attwali u tal-prinċipju ta' prekawzjoni, u sakemm ma jkunx hemm evidenza xjentifika konklużiva li turi l-kuntrarju, il-Kummissjoni qed tirrakkomanda li l-Istati Membri għandhom iqisu li hemm fatturi serji li għandhom x'jaqsmu mal-konservazzjoni tal-ispeċi tal-iljunfanti li jmorru kontra l-ħruġ taċ-ċertifikati ta' riesportazzjoni għall-avorju mhux maħdum.

Għalhekk, skont ir-Regolament (KE) Nru 338/97, il-Kummissjoni qed tirrakkomanda li, bħala miżura temporanja, mill-1 ta' Lulju 2017, l-Istati Membri ma għandhomx joħorġu ċertifikati ta' riesportazzjoni għall-avorju mhux maħdum, ħlief f'każijiet eċċezzjonali meta l-Awtorità Amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat tkun sodisfatta li l-kampjun:

1.

jifforma parti minn skambju ġenwin ta' oġġetti kulturali bejn istituzzjonijiet affidabbli (pereżempju l-mużewijiet);

2.

huwa parti minn wirt ta' familja li qed jiċċaqlaq minn post għall-ieħor minħabba li dik il-familja qed tiċċaqlaq minn post għall-ieħor;

3.

qed jiċċaqlaq minn post għall-ieħor għal raġunijiet edukattivi, xjentifiċi jew ta' infurzar.

Qed jiġi rrakkomandat li, f'kull każ eċċezzjonali bħal dan, l-Awtoritajiet Amministrattivi jsegwu l-linji gwida mogħtija f'dan id-dokument b'rabta mal-kisba ta' evidenza xierqa dwar l-oriġini legali tal-kampjuni (l-Anness I ta' dan id-dokument), mal-immarkar (l-Anness II) u mal-koordinazzjoni ma' Stati Membri oħrajn u ma' pajjiżi terzi, fejn dan ikun rilevanti (is-sottotaqsima (iii)).

(ii)   Gwida dwar ir-riesportazzjoni tal-avorju maħdum

Għall-kuntrarju tal-avorju mhux maħdum, l-“avorju maħdum” jinkludi ħafna tipi ta' kampjuni differenti. Huwa jinkludi kampjuni li ilu jsir il-kummerċ fihom, b'mod legali, għal għexieren ta' snin (pereżempju l-istrumenti mużikali u l-antikitajiet) u mhux ċar jekk sospensjoni sħiħa tar-riesportazzjoni tat-tali kampjuni jkollhiex impatt tanġibbli fuq il-kummerċ illegali internazzjonali fl-avorju. Madankollu, minħabba ż-żieda fir-riesportazzjonijiet tal-avorju maħdum mill-UE f'dawn l-aħħar snin, hemm bżonn li jiżdied l-iskrutinju tal-implimentazzjoni tar-regoli attwali.

F'kull każ, huwa importanti ħafna li l-Istati Membri tal-UE jiċċekkjaw sew l-applikazzjonijiet għar-riesportazzjoni tal-avorju maħdum sabiex ikunu żguri li joħorġu d-dokumenti rilevanti biss meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet tal-liġijiet tal-UE li jiggarantixxu li l-avorju joriġina b'mod legali. Sabiex il-kampjuni tal-avorju li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa ma jiġux esportati, qed jiġi rrakkomandat li jkun hemm interpretazzjoni stretta tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tat-tali ċertifikati ta' riesportazzjoni.

Sabiex jiġu vvalutati l-kundizzjonijiet li bihom jista' jiġi awtorizzat it-tali kummerċ, qed jiġi rrakkomandat li l-Istati Membri tal-UE japplikaw il-linji gwida dwar “l-evidenza li turi l-kisba legali” mogħtija fl-Anness I ta' dan id-dokument u dwar “l-immarkar, ir-reġistrazzjoni u rekwiżiti oħrajn għall-ħruġ taċ-ċertifikati” mogħtija fl-Anness II tiegħu.

Huwa importanti ferm li l-applikant li jkun qed japplika għaċ-ċertifikat ta' riesportazzjoni juri li l-kampjuni jkunu nkisbu qabel ma d-dispożizzjonijiet tas-CITES bdew japplikaw għalihom. Jekk l-applikant ma jkunx jista' jipprova dan, ma għandu jinħareġ l-ebda ċertifikat.

Jekk jinħareġ iċ-ċertifikat, dan għandu jinkludi deskrizzjoni ddettaljata biżżejjed tal-kampjun ikkonċernat hekk li jkun jista' jintuża biss għal dan il-kampjun. Barra minn hekk, meta l-leġiżlazzjoni tkun tippermetti dan, l-Istati Membri jistgħu jqisu li jiġbru flimkien l-identitajiet tal-applikant u, fejn ikun possibbli, tax-xerrej, u li jivverifikawhom u jirreġistrawhom (pereżempju billi jżommu kopja tad-dokumenti ta' identifikazzjoni tagħhom).

(iii)   Il-koordinazzjoni fl-Istati Membri tal-UE u bejniethom u l-koordinazzjoni ma' pajjiżi terzi

Qed jiġi rrakkomandat li, meta l-ħruġ tad-dokumenti tas-CITES ikun f'idejn l-Awtoritajiet Amministrattivi reġjonali jew lokali tas-CITES, l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet reġjonali jibagħtu rapport lill-Awtorità Amministrattiva ċentrali tas-CITES dwar l-applikazzjonijiet kollha li jkunu tressqu għaċ-ċertifikati ta' riesportazzjoni jew għaċ-ċertifikati tal-kummerċ fl-UE. Dan jiżgura li l-kisba legali tiġi vverifikata sew b'mod ikkoordinat u li l-applikazzjonijiet jiġu vvalutati b'mod konsistenti. Jista' jingħata appoġġ għal dan billi jinħolqu bażijiet tad-dejta nazzjonali fejn ikun jista' jinħażen it-tagħrif rilevanti.

Meta, għall-finijiet ta' applikazzjoni għal ċertifikat ta' riesportazzjoni, jiġi ppreżentat ċertifikat tal-kummerċ fl-UE li jkun inħareġ minn Stat Membru tal-UE bħala prova tal-kisba legali, l-Istat Membru li jkun ħareġ dak iċ-ċertifikat tal-kummerċ fl-UE għandu jiġi kkonsultat dwar il-validità tiegħu. Dan għandu japplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-avorju, iżda b'mod partikulari fil-każ ta' kapmjuni mhux maħdumin.

Barra minn hekk, jista' jkun li jkun hemm iktar restrizzjonijiet jew kontrolli b'rabta mar-riesportazzjoni lejn ċerti pajjiżi jew territorji li jkunu daħħlu miżuri domestiċi iktar stretti b'rabta mal-kummerċ fl-avorju, bħaċ-Ċina kontinentali, ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u l-Istati Uniti tal-Amerka. Qabel ma joħroġ ċertifikat ta' riesportazzjoni għall-avorju, l-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-awtoritajiet tas-CITES tal-pajjiż destinatarju sabiex dak il-pajjiż ikun jista' jivverifika li l-importazzjoni ta' dak il-kampjun tkun konformi mar-regolamenti eżistenti.

4.   Gwida dwar l-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-UE marbutin mal-kummerċ fl-avorju fl-UE

Qed jiġi rrakkomandat li l-Istati Membri tal-UE jsegwu l-linji gwida mogħtija hawn taħt, li huma bbażati fuq l-aqwa prattiki attwali fihom, biex jivvalutaw l-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati tal-kummerċ fl-avorju fl-UE, u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tal-UE dwar il-kummerċ fil-“kampjuni maħdumin” tal-avorju fl-UE.

Minn meta ttieħdet id-deċiżjoni tas-CITES li tipprojbixxi l-kummerċ internazzjonali fl-avorju fl-1989, id-domanda għall-avorju fl-Ewropa naqset b'mod konsiderevoli. L-Istati Membri tal-UE ma ġewx identifikati fil-kuntest tas-CITES bħala swieq importanti ta' destinazzjoni għall-avorju li joriġina b'mod illegali. Ħafna mill-kummerċ fl-avorju fl-UE jsir fl-antikitajiet tal-avorju. Madankollu, kien hemm xi każijiet ta' kummerċ illegali fil-kampjuni tal-avorju fl-UE. Barra minn hekk, l-Istati Membri differenti jittrattaw b'mod differenti l-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati għall-użu kummerċjali tal-kampjuni tal-avorju fl-UE u jieħdu approċċi differenti għall-kummerċ fil-“kampjuni maħdumin” tal-avorju fl-UE. L-UE għandha r-responsabbiltà tiżgura li l-użu kummerċjali tal-avorju fl-UE jkun ikkontrollat u rregolat b'mod strett skont ir-Riżoluzzjoni 10.10 (ir-reviżjoni CoP17) tal-Konferenza tas-CITES u r-Regolament (KE) Nru 338/97. Għalhekk hemm bżonn ta' iktar attenzjoni u ta' iktar kontrolli tal-kummerċ fil-kampjuni tal-avorju fl-UE b'rabta mal-applikazzjonijiet għall-kummerċ fl-avorju fl-UE, kif ukoll biex ikun żgurat li l-kummerċ fil-“kampjuni maħdumin” fl-UE jkun legali.

F'dan il-kuntest, u minħabba s-sistemi differenti li japplikaw f'kull wieħed minn dawn il-każijiet, qed jiġi rrakkomandat li l-Istati Membri jsegwu l-linji gwida speċifiċi t'hawn taħt għal kull wieħed minn dawn il-każijiet:

għall-kummerċ fil-kampjuni tal-avorju fl-UE (il-punt (i) t'hawn taħt),

għall-każijiet speċifiċi tal-kummerċ fil-“kampjuni maħdumin” fl-UE (il-punt (ii) t'hawn taħt).

(i)   Gwida dwar il-kummerċ fil-kampjuni tal-avorju fl-UE

B'mod ġenerali, il-kummerċ fil-kampjuni mniżżlin fl-Anness A huwa pprojbit fl-UE skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 338/97. L-Artikolu 8(3) jawtorizza lill-Istati Membri jidderogaw minn din il-projbizzjoni jekk jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet (imniżżlin fis-sottoparagrafi (a) sa (h) tiegħu). Madankollu, l-użu tal-verb “tista'” fl-Artikolu 8(3) jagħmilha ċara li l-Istati Membri mhumiex obbligati joħorġu ċertifikat għall-kummerċ fl-UE meta dawk il-kundizzjonijiet jintlaħqu (ħlief meta dan ikun meħtieġ mod ieħor mil-liġijiet tal-Unjoni, bħal meta jkun qed jiġi applikat il-prinċipju tal-proporzjonalità). Hija u tiddeċiedi jekk toħroġx ċertifikat jew le, l-awtorità għandha tuża s-setgħat diskrezzjonali tagħha kif xieraq.

B'hekk, l-Artikolu 8(3) ma jistax jitqies li jagħti d-dritt għal ċertifikat għall-kummerċ fl-UE għal kull applikant, ukoll meta tintlaħaq xi waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sottoparagrafi (a) sa (h) tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(3) jaqa' taħt il-prinċipju ta' prekawzjoni u għalhekk, kif ġie diskuss hawn fuq, huwa l-applikant li jrid juri li tranżazzjoni hija leġittima u li din hija konsistenti mal-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 338/97.

Meta Stat Membru jirċievi applikazzjoni għall-użu kummerċjali tal-avorju fl-UE skont l-Artikolu 8(3), huwa għandu d-dritt, skont il-liġijiet tal-UE, li jirrifjuta li joħroġ ċertifikat għal dan, ukoll meta tintlaħaq xi waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sottoparagrafi (a) sa (h) ta' dak l-Artikolu, dejjem jekk dan ir-rifjut ikun kompatibbli mal-prinċipju tal-proporzjonalità (jiġifieri jekk ir-rifjut ikun xieraq biex jitħarsu l-ispeċijiet tal-flora u tal-fawna selvaġġi jew biex tkun iggarantita l-konservazzjoni tagħhom, u r-rifjut ma jkunx imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan). Il-Kummissjoni u l-Grupp ta' Esperti tal-Awtoritajiet Amministrattivi Kompetenti tas-CITES huma tal-fehma li dan se jkun il-każ meta l-applikant ma jkunx wera b'mod konklużiv li tranżazzjoni tkun leġittima u li din tkun konsistenti mal-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 338/97.

L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà jevitaw li joħorġu ċertifikati li jistgħu jiffaċilitaw l-attivitajiet illegali u għalhekk għandhom jittrattaw dawk l-applikazzjonijiet għall-kummerċ fl-UE b'mod li jnaqqas kemm jista' jkun dan ir-riskju. Qed jiġi rrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw l-ikbar skrutinju possibbli huma u jittrattaw l-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati tal-kummerċ fl-UE, u li huma jinterpretaw b'mod strett il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tat-tali ċertifikati, b'mod speċjali għall-avorju mhux maħdum.

Għal dan il-għan, qed jiġi rrakkomandat li l-Istati Membri tal-UE japplikaw il-linji gwida dwar “l-evidenza li turi l-kisba legali” mogħtija fl-Anness I ta' dan id-dokument u dwar “l-immarkar, ir-reġistrazzjoni u rekwiżiti oħrajn għall-ħruġ taċ-ċertifikati” mogħtija fl-Anness II tiegħu.

Aspett ewlieni tal-Artikolu 8(3)(a) (jiġifieri tal-kampjuni li “kienu nkisbu jew iddaħħlu fil-Komunità qabel ma d-dispożizzjonijiet dwar l-ispeċi elenkati fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni jew fl-Anness C1 tar-Regolament [tal-Kunsill] (KEE) Nru 3626/82 [(2)] jew fl-Anness A, kienu saru applikabbli għall-kampjuni”), huwa li applikant li japplika għal ċertifikat tal-kummerċ fl-UE jrid juri li l-kampjuni jkunu nkisbu jew iddaħħlu fl-UE qabel it-18 ta' Jannar 1990 fil-każ tal-iljunfanti Afrikani u qabel l-1 ta' Lulju 1975 fil-każ tal-iljunfanti Ażjatiċi. Jekk l-applikant ma jkunx jista' jagħti prova ta' dan, ma għandu jinħareġ l-ebda ċertifikat.

Jekk jinħareġ iċ-ċertifikat, dan għandu jinkludi deskrizzjoni ddettaljata biżżejjed tal-kampjun ikkonċernat hekk li jkun ċar li ċ-ċertifikat jista' jintuża biss għal dan il-kampjun. Dan huwa importanti b'mod speċjali fil-każ tal-avorju mhux maħdum li s-soltu jkollu inqas karatteristiċi li jiddistingwuh minn kampjuni oħrajn. Barra minn hekk, meta l-leġiżlazzjoni tkun tippermetti dan (10), l-Istati Membri jistgħu jqisu li jiġbru flimkien l-identitajiet tal-applikant u tax-xerrej, u li jivverifikawhom u jirreġistrawhom (pereżempju billi jżommu kopja tad-dokumenti ta' identifikazzjoni tagħhom). Tista' tiġi stabbilita wkoll kundizzjoni speċifika għall-kummerċ fl-avorju mhux maħdum fl-UE li tobbliga lill-bejjiegħ jgħarraf lill-awtoritajiet bl-identità tax-xerrej.

Meta jsiru applikazzjonijiet għall-kummerċ fl-avorju fl-UE skont l-Artikolu 8(3)(c), l-Istati Membri għandhom jiftakru li, minħabba li l-avorju (bħala oġġett personali, b'mod partikulari bħala trofew tal-kaċċa) jista' jiġi importat biss għal raġunijiet mhux kummerċjali, sidien dan l-avorju ma għandhom l-ebda possibbiltà jingħataw ċertifikat għal raġunijiet kummerċjali fl-Unjoni skont l-Artikolu 8(3)(c).

(ii)   Gwida speċifika dwar il-kummerċ fil-“kampjuni maħdumin” tal-avorju fl-UE

Ir-Regolament tal-UE jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw il-kummerċ fil-“kampjuni maħduma li nkisbu aktar minn 50 sena qabel” fl-UE, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(w) tar-Regolament (KE) Nru 338/97 bħala “kampjuni li kienu nbidlu sostanzjalment mill-istat naturali tagħhom f'ġojjelli, tiżjin, arti, utilità, jew strumenti mużikali, aktar minn 50 sena qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament”, jiġifieri qabel it-3 ta' Marzu 1947, “u li kienu, għas-sodisfazzjon tal-awtorità tal-amministrazzjoni tal-Istat Membru ikkonċernat, akkwistati b'dawk il-kondizzjonijiet. Kampjuni bħal dawn għandhom ikunu meqjusa bħala maħduma biss jekk ikun ċar li kienu f'waħda mill-kategoriji msemmija qabel u li ma jenħtiġux aktar tqattigħ, xogħol jew manifattura biex iwettqu l-iskop tagħhom”. Ta' spiss il-“kampjuni maħdumin” kif iddefiniti fir-Regolamenti tal-UE dwar il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi jissejħu wkoll “antikitajiet”. Madankollu, ta' min jinnota li l-antikitajiet li jkunu nkisbu qabel l-1947 iżda li jkun għadhom ma nbidlux b'mod sostanzjali mill-istat naturali tagħhom ma jikkwalifikawx bħala “kampjuni maħdumin” skont ir-Regolament (KE) Nru 338/97.

L-użu kummerċjali tal-“kampjuni maħdumin” fl-UE huwa rregolat bl-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 338/97 u bl-Artikolu 62(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006. Jekk kampjun ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(w) tar-Regolament (KE) Nru 338/97 biex jitqies bħala kampjun maħdum, ma jkollu bżonn l-ebda ċertifikat biex jintuża b'mod kummerċjali fl-UE.

Sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri tal-UE jinterpretaw id-definizzjoni tal-“kampjuni maħdumin” bl-istess mod, il-Kummissjoni Ewropea żviluppat linji gwida interni dwar dan flimkien magħhom (11). Dawn il-linji gwida, li mhumiex speċifiċi għall-avorju, jkopru aspetti bħall-provi aċċettabbli li l-kampjun inkiseb qabel it-3 ta' Marzu 1947, l-eżempji tipiċi ta' kampjuni li jidħlu fid-definizzjoni ta' kampjuni “li kienu nbidlu sostanzjalment mill-istat naturali tagħhom” u li jidħlu fil-kategoriji tal-“ġojjelli”, tat-“tiżjin”, eċċ., u r-restawr tal-kampjuni u l-ħdim tagħhom mill-ġdid.

B'mod ġenerali, qed jiġi rrakkomandat li l-Istati Membri jinterpretaw id-definizzjoni tal-kampjuni maħdumin b'mod strett, skont il-passi li ġejjin:

l-ewwel nett, sid kampjun li jkun jixtieq ibiegħu għandu juri li dan il-kampjun inkiseb “50 sena qabel id-dħul fis-seħħ [ta]r-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 338/97]”, jiġifieri qabel it-3 ta' Marzu 1947,

it-tieni nett, il-fatt li sinna twila tal-avorju bil-ponta tkun sempliċiment immuntata fuq plakka, tarka jew xi tip ta' bażi oħra mingħajr ma tkun inbidlet b'xi mod ieħor mill-istat naturali tagħha ma għandux ikun biżżejjed biex dak il-prodott jitqies bħala “kampjun maħdum” skont l-Artikolu 2(w) tar-Regolament (KE) Nru 338/97,

it-tielet nett, irid jitqies ukoll bir-reqqa u b'mod strett ir-rekwiżit mogħti fl-Artikolu 2(w) li l-kampjuni jridu jkunu nbidlu “f'ġojjelli, tiżjin, arti, utilità, jew strumenti mużikali”, billi, minn xi każijiet li kien hemm dan l-aħħar, jidher li n-natura artistika tal-bidla (bħat-tinqix, l-inċiżjoni, l-inseriment jew it-twaħħil sinifikanti ta' oġġetti artistiċi jew ta' utilità, eċċ.) ma kinitx ċara, u b'hekk ma ntlaħqux il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(w),

għal aktar gwida dwar l-interpretazzjoni tat-terminu “kampjuni maħdumin” għandu jiġi kkonsultat id-dokument ta' gwida li l-Kummissjoni Ewropea ħarġet dwar dan.

Barra minn hekk, minkejja li m'hemmx bżonn ta' ċertifikati tal-kummerċ fl-UE għan-negozju kummerċjali fil-“kampjuni maħdumin” fl-UE, qed jiġi rrakkomandat li l-Istati Membri jimmonitorjaw is-swieq domestiċi tagħhom tal-antikitajiet tal-avorju, fosthom li jwettqu verifiki regolari biex jaraw jekk in-negozjanti għandhomx provi tal-età u/jew tal-oriġini tal-antikitajiet tal-avorju li jkollhom għall-bejgħ, u li huma jqisu li jdaħħlu l-obbligu li n-negozjanti jiddikjaraw l-età u l-oriġini tal-antikitajiet tal-avorju li jkollhom għall-bejgħ kemm fuq is-siti web tagħhom kif ukoll fil-gabbani jew fil-ħwienet tagħhom.

Fl-aħħar nett, ta' min jinnota li, għar-riesportazzjoni tal-“kampjuni maħdumin” mill-UE, hemm bżonn jinħareġ ċertifikat ta' riesportazzjoni skont l-Artikolu 5(6)(i) tar-Regolament (KE) Nru 338/97. Qed jiġi rrakkomandat li l-Istati Membri jużaw il-linji gwida mogħtija fit-taqsima 3(ii) huma u jivvalutaw l-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati ta' riesportazzjoni għat-tali kampjuni.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1).

(2)  Kull referenza għall-avorju f'dan id-dokument għandha tinftiehem bħala referenza għall-avorju li ġej mill-iljunfanti biss.

(3)  Skont l-Artikolu 8(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 338/97.

(4)  Skont l-Artikolu 5(6)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 338/97. Is-CITES bdiet tapplika għall-iljunfanti Afrikani fis-26 ta' Frar 1976, meta l-Gana żiedet din l-ispeċi mal-lista tal-Appendiċi III, u bdiet tapplika għall-iljunfanti Ażjatiċi fl-1 ta' Lulju 1975 meta dawn żdiedu mal-lista tal-Appendiċi I tagħha.

(5)  Nellemann, C., Henriksen, R., Raxter, P., Ash, N. u Mrema, E. (edituri). (2014). The Environmental Crime CrisisThreats to Sustainable Development from Illegal Exploitation and Trade in Wildlife and Forest Resources. Valutazzjoni ta' rispons rapidu tal-UNEP. Il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent u ċ-ċentru msejjaħ “GRID-Arendal”, Nairobi u Arendal.

(6)  Is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Kummerċ fl-Iljunfanti (l-ETIS) ġiet stabbilita permezz tar-Riżoluzzjoni 10.10 (ir-reviżjoni CoP17) tal-Konferenza tas-CITES dwar il-kummerċ fl-iljunfanti, fost l-oħrajn bil-għan li “(i) tikkalkula u tirreġistra l-livell ta' qtil illegali tal-iljunfanti u l-livell ta' kummerċ fl-avorju u x-xejriet fihom, kif ukoll il-bidliet f'dawn il-livelli u x-xejriet”. L-ETIS tipproduċi rapport komprensiv dwar is-sekwestri tal-avorju li jkunu saru madwar id-dinja kollha qabel kull Konferenza tal-Partijiet tas-CITES. Tista' ssib l-aħħar rapporti, li nħarġu fl-2016 għall-Konferenza tal-Partijiet tas-CITES tal-2017, hawn:

https://cites.org/sites/default/files/eng/cop/17/WorkingDocs/E-CoP17-57-06-R1.pdf

https://cites.org/sites/default/files/eng/cop/17/WorkingDocs/E-CoP17-57-06-R1-Add.pdf

(7)  Għal nofs ir-rekords tal-ETIS, il-Partijiet tas-CITES ma qalux kemm ġie ssekwestrat avorju f'termini tal-piż tiegħu.

(8)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52016DC0087&from=MT

(9)  Qed jiġi rrakkomandat li l-Istati Membri tal-UE jużaw id-definizzjoni tal-“avorju mhux maħdum” mogħtija fir-Riżoluzzjoni 10.10 (ir-reviżjoni CoP17) tal-Konferenza tas-CITES, li fiha jingħad dan li ġej:

“(a)

it-terminu ‘avorju mhux maħdum’ għandu jinkludi s-snien twal sħaħ bil-ponta tal-iljunfanti, illustrati jew le, fi kwalunkwe forma, u l-avorju kollu li ġej mill-iljunfanti li jkun imqatta' biċċiet, illustrat jew le, u li jkun mibdul kif ikun mill-forma oriġinali tiegħu, ħlief għall-‘avorju maħdum’; u

(b)

it-terminu ‘avorju maħdum’ għandu jfisser l-avorju li jkun tnaqqax, li jkun ingħata sura jew li jkun ġie pproċessat, kollu kemm hu jew parti minnu, iżda ma għandux jinkludi s-snien twal sħaħ bil-ponta, fi kwalunkwe forma, ħlief meta l-wiċċ kollu ta' dawn is-snien ikun tnaqqax”.

(10)  B'mod speċjali l-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta personali.

(11)  Ara C(2017) 3108.


ANNESS I

L-evidenza li turi l-kisba legali

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

Kemm għaċ-ċertifikati ta’ riesportazzjoni u kemm għaċ-ċertifikati tal-kummerċ fl-UE, huwa l-applikant li għandu r-responsabbiltà juri, b’mod li jissodisfa lill-awtorità tas-CITES fl-Istat Membru tal-UE kkonċernat, li ntlaħqu l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tad-dokumenti u, b’mod speċjali, li l-kampjuni tal-avorju nkisbu b’mod legali (1).

Billi l-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati ta’ riesportazzjoni jew għaċ-ċertifikati tal-kummerċ fl-UE jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti bejniethom (f’termini taċ-ċirkustanzi li bihom inkiseb oriġinarjament l-avorju, tal-kwantitajiet li għandhom jiġu riesportati jew li għandhom jiġu nnegozjati u tal-oriġini u l-etajiet tal-kampjuni ddikjarati), b’mod ġenerali l-Istati Membri se jkollhom jivvalutaw il-provi li jibgħat l-applikant fuq il-bażi ta’ każ b’każ.

Filwaqt li huwa ċar li dejjem irid jintwera li l-avorju jkun inkiseb b’mod legali, l-Istati Membri għandhom iqisu li jsegwu approċċ ibbażat fuq ir-riskji huma u jivvalutaw l-applikazzjonijiet għar-riesportazzjoni tal-avorju jew għall-kummerċ fih fl-UE. It-tranżazzjonijiet jistgħu jwasslu għal diversi tipi ta’ skrutinju skont il-kwantità ta’ avorju li tkun se tiġi riesportata jew innegozjata, il-forma tal-avorju (jiġifieri jekk dan ikunx maħdum, mhux maħdum jew fil-forma ta’ antikità), iċ-ċirkustanzi li bihom ikun inkiseb oriġinarjament l-avorju (pereżempju bħala parti minn tranżazzjoni kummerċjali jew bħala rigal jew wirt), u d-data meta l-avorju jkun inkiseb oriġinarjament. L-Istati Membri se jkollhom jużaw il-ġudizzju tagħhom huma u jistabbilixxu, abbażi tan-natura tat-tranżazzjoni, it-tip u l-ammont ta’ provi li hemm bżonn biex tiġi appoġġata l-applikazzjoni.

L-Istati Membri għandhom iwettqu skrutinju akbar tat-tranżazzjonijiet tal-kummerċ fl-avorju mhux maħdum fl-UE, pereżempju fil-każ ta’ applikazzjonijiet għas-snien twal bil-ponta mhux maħdumin jew għal biċċiet kbar tal-avorju mhux maħdumin, b’mod partikulari meta l-applikazzjoni tkun għal iktar minn sinna twila sħiħa waħda bil-ponta jew għal iktar minn kampjun wieħed. L-Istati Membri jistgħu jqisu wkoll li japplikaw skrutinju akbar għall-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati tal-kummerċ fl-UE għall-avorju mhux maħdum li jkun inkiseb f’data aktar riċenti jew li jkun inkiseb bħala parti minn tranżazzjoni kummerċjali (u mhux bħala rigal jew wirt).

Ta’ min jinnota li t-tip ta’ prova tal-oriġini legali tal-kampjun se tkun tiddependi fuq il-mod kif dan ikun inkiseb. Pereżempju:

jekk l-applikant ikun importa l-kampjun tal-avorju hu stess qabel ma daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni, huwa jista’ jintalab jipprova li huwa kien jgħix jew jaħdem fil-pajjiż tal-esportazzjoni. Ritratti antiki, kuntratti, siltiet miċ-ċertifikat tat-twelid, siltiet mir-reġistru tal-popolazzjoni jew stqarrija tal-applikant innifsu jew ta’ membri oħrajn tal-familja tiegħu kollha jistgħu jiġu aċċettati bħala prova li dan kien jgħix barra mill-pajjiż. L-applikant irid jipprova wkoll li l-kampjun tal-avorju nkiseb b’mod legali jew li dan ġie importat b’mod legali fl-UE (ara t-taqsima msejħa “Tip ta’ provi” hawn taħt),

jekk il-kampjun tal-avorju jkun inxtara fl-UE, l-applikant irid juri li dan inkiseb b’mod legali jew li dan jissodisfa r-rekwiżiti tal-kampjuni maħdumin ta’ qabel l-1947 (ara t-taqsima msejħa “Tip ta’ provi” hawn taħt).

Tip ta’ provi

Għall-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati ta’ riesportazzjoni u għaċ-ċertifikati tal-kummerċ fl-UE, b’mod ġenerali għandhom jiġu ppreferuti l-provi li ġejjin:

il-permess oriġinali tal-importazzjoni tas-CITES li jkun inħareġ lill-applikant u li jkun ġie approvat mill-awtoritajiet doganali jew id-dokumenti oriġinali tal-importazzjoni (pereżempju d-dokumenti doganali). Id-dokumenti għandhom jiġu vverifikati mat-tagħrif imdaħħal fil-bażijiet tad-dejta rilevanti, fejn dan ikun possibbli, pereżempju fil-bażijiet tad-dejta tal-awtoritajiet doganali nazzjonali u fil-bażijiet tad-dejta tal-permessi tas-CITES maħruġin,

iċ-ċertifikat tal-kummerċ fl-UE. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonsultat l-Istat Membru tal-UE li jkun ħareġ iċ-ċertifikat biex tiġi vverifikata l-validità taċ-ċertifikat ikkonċernat. Meta t-tagħrif fuq iċ-ċertifikat tal-kummerċ fl-UE ma jkunx ċar, jew jekk ikun hemm dubji jew tħassib dwar il-validità taċ-ċertifikat jew dwar il-legalità tal-avorju, l-applikant u/jew l-awtorità li tkun ħarġet iċ-ċertifikat għandhom jintalbu jipprovdu iktar tagħrif dwar dan. Jista’ jintalab iktar tagħrif, pereżempju, jekk fuq iċ-ċertifikat ma jkunx hemm tagħrif dwar il-marki tal-identifikazzjoni tal-kampjun (pereżempju ritratti, deskrizzjonijiet iddettaljati u tagħrif dwar il-piż tas-snien twal bil-ponta u dwar kemm dawn huma twal), jew jekk dan it-tagħrif ikun għadda ħafna żmien minn fuqu. L-Istati Membri jistgħu jitolbu kull tip ta’ prova li tagħti iktar dettalji dwar il-kampjun u dwar l-istorja tiegħu li ma jkunux diġà mniżżlin fiċ-ċertifikat tal-kummerċ fl-UE. Tista’ tintalab ukoll riċevuta jew jista’ jintalab l-att ta’ trasferiment, b’mod speċjali jekk iċ-ċertifikat ikun marbut ma’ tranżazzjoni partikulari, biex jintwera li s-sid attwali kiseb il-kampjun direttament mingħand id-detentur taċ-ċertifikat,

ir-riżultati ta’ analiżi tar-radjokarbonju jew tal-isotopi biex tiġi stabbilita l-età (u l-oriġini) tal-kampjun (2), filwaqt li jitqies li l-fatt li tiġi stabbilita l-età minnu nnifsu mhuwiex biżżejjed biex juri li l-kampjun inkiseb b’mod legali,

perizja li tieħu l-forma tal-istabbiliment tal-età minn espert indipendenti rrikonoxxut, pereżempju xi ħadd affiljat ma’ università jew ma’ istitut tar-riċerka, konsulent tal-qorti jew konsulent approvat permezz ta’ proċess ġudizzjarju jew espert approvat jew irrikonoxxut (3). Il-perizji jistgħu jitqiesu bħala provi sodisfaċenti kemm għall-avorju maħdum u kemm għal dak mhux maħdum (pereżempju meta ma tkunx tista’ tintuża l-analiżi forensika). Għall-antikitajiet tal-avorju maħdum, l-età tista’ tiġi stabbilita skont l-istil tat-tinqix u t-tekniki tax-xogħol artiġjanali użati.

Meta ma jkunux disponibbli l-provi deskritti hawn fuq, l-applikanti għandhom jintalbu jippreżentaw kombinament ta’ tipi ta’ provi oħrajn biex juru l-kisba legali (ara t-tipi ta’ provi oħrajn mogħtija hawn taħt). L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-applikant jibgħat it-tipi kollha ta’ provi differenti li jkun jista’ jibgħat biex isostni l-applikazzjoni tiegħu. Kif intqal hawn fuq fit-taqsima msejħa “Kunsiderazzjonijiet ġenerali”, it-tip u l-ammont ta’ provi li se jikkostitwixxu prova sodisfaċenti tal-kisba se jkunu jiddependu fuq in-natura tal-applikazzjoni u r-riskji assoċjati magħha. Meta ssir applikazzjoni għal ċertifikat tal-kummerċ fl-UE għal kwantitajiet kummerċjali tal-avorju mhux maħdum, l-Istati Membri għandhom iqisu li jaċċettaw biss il-provi mniżżlin fl-ewwel tliet punti t’hawn fuq.

It-tipi ta’ provi oħrajn li jistgħu jikkostitwixxu prova sodisfaċenti tal-kisba legali jinkludu dawn li ġejjin (u preferibbilment kombinament tagħhom):

il-permess oriġinali tal-esportazzjoni tas-CITES maħruġ mill-pajjiż tal-esportazzjoni jew id-dokument oriġinali tal-esportazzjoni (pereżempju d-dokument doganali). Id-dokumenti għandhom jiġu vverifikati mat-tagħrif imdaħħal fil-bażijiet tad-dejta rilevanti, fejn dan ikun possibbli;

għall-“kampjuni maħdumin” li jkun fihom l-avorju, dokument maħruġ minn espert approvat jew irrikonoxxut;

riċevuta jew fattura, l-att ta’ donazzjoni jew id-dokumenti tal-wirt, bħal pereżempju testment;

ritratti antiki tal-kampjun tal-avorju (li jkun fihom data jew persuna li tingħaraf jew li jkunu ttieħdu fil-post tal-oriġini), permess antik tal-kaċċa (jew dokumenti oħrajn marbutin mal-kaċċa), dokumenti tal-assigurazzjoni, ittri jew dokumenti pubbliċi antiki (bħal artikli tal-gazzetti jew rapporti jew pubblikazzjonijiet oriġinali oħrajn li jagħtu prova tal-oriġini tal-kampjuni);

provi anċillari oħrajn li jappoġġaw l-ispjega tal-kisba legali bħal provi tas-servizzi tax-xogħol tal-persuna li kisbet il-kampjun (pereżempju fl-Afrika) jew kopji tat-timbri fuq il-passaport;

stqarrija jew affidavit min-naħa ta’ xi xhud jew stqarrija ffirmata min-naħa tas-sid. L-Istati Membri jistgħu jqisu li jitolbu lill-applikant jipprovdi affidavit biex jappoġġa ċ-ċertifikat maħruġ, li fih jistqarr li huwa jaf bil-konsegwenzi ta’ stqarrija falza. Ma’ stqarrija jew affidavit min-naħa ta’ xi xhud xorta waħda għandhom jingħataw provi oħrajn bħal, pereżempju, ritratti jew riċevuti jew fatturi;

għall-kampjuni maħdumin jew l-istrumenti mużikali mmanifatturati fl-UE, konferma mingħand il-manifattur jew mingħand espert li l-istrument ġie prodott fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE qabel id-data tal-elenkar rilevanti fil-lista tas-CITES.

Meta, fid-dawl tal-provi li jibgħat l-applikant b’rabta ma’ applikazzjoni għal ċertifikat tal-kummerċ fl-UE jew ma’ applikazzjoni għal ċertifikat ta’ riesportazzjoni, ikun għad hemm dubji dwar il-kisba legali tal-avorju kkonċernat, l-Istati Membri għandhom iqisu li jikkonsultaw ma’ espert indipendenti jew li jitolbu li ssir analiżi forensika biex tiġi vverifikata l-età tal-kampjun, u l-applikant għandu jħallas l-ispejjeż marbutin ma’ dan.


(1)  Ara l-Artikolu 5(3) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 338/97 għaċ-ċertifikati ta’ riesportazzjoni u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 338/97, flimkien mal-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 865/2006, għaċ-ċertifikati tal-kummerċ fl-UE.

(2)  Il-Linji Gwida tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (l-UNODC) dwar il-metodi u l-proċeduri għat-teħid tal-kampjuni tal-avorju u għall-analiżi tal-avorju fil-laboratorju jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-għażliet tat-testijiet fil-laboratorju disponibbli u jipprovdu linji gwida dwar it-teħid tal-kampjuni għat-testijiet, fosthom lista tat-tagħmir u tal-materjal meħtieġa għat-teħid tal-kampjuni tal-avorju (ara d-dokument tal-UNODC tal-2014 imsejjaħ “Guidelines on Methods and Procedures for Ivory Sampling and Laboratory Analysis” maħruġ min-Nazzjonijiet Uniti fi New York, li jinsab fl-indirizz li ġej: https://www.unodc.org/documents/Wildlife/Guidelines_Ivory.pdf u b’mod speċjali t-taqsima 14.2.2 tiegħu msejħa “Isotopes” (mill-paġna 30 ‘il quddiem u l-paġna 46)).

Ara wkoll is-sit web li ġej: www.ivoryid.org.

(3)  Wieħed għandu jqis bir-reqqa l-fatt li jekk jintużaw il-perizji magħmulin mill-irkantaturi, dan jista’ jwassal għal kunflitti potenzjali ta’ interess.


ANNESS II

L-immarkar, ir-reġistrazzjoni u rekwiżiti oħrajn għall-ħruġ taċ-ċertifikati

Skont il-liġijiet tal-UE, mhux obbligatorju li l-prodotti tal-avorju jiġu mmarkati b’mod permanenti qabel ma jinħareġ ċertifikat tal-kummerċ fl-UE, iżda l-Istati Membri diġà jagħmlu dan. Barra minn hekk, għal ċerti prodotti tal-avorju, l-Istati Membri tal-UE jistgħu joħorġu l-permessi tal-importazzjoni u ċ-ċertifikati ta’ riesportazzjoni biss jekk dawn ikunu mmarkati (ara l-Artikoli 64(1)(d) u 65(1) tar-Regolament (KE) Nru 865/2006), u r-Riżoluzzjoni 10.10 (ir-reviżjoni CoP17) tal-Konferenza tas-CITES ukoll tħeġġeġ li “s-snien twal sħaħ bil-ponta ta’ kull daqs u l-avorju li jkun imqatta’ f’biċċiet li jkunu twal 20 ċentimetru jew iktar u li jkunu jiżnu kilogramma jew iżjed” jiġu mmarkati.

F’dan il-kuntest, qed jiġi rrakkomandat li l-Istati Membri jqisu li jimmarkaw b’mod permanenti (i) is-snien twal sħaħ bil-ponta ta’ kull daqs u (ii) l-avorju li jkun imqatta’ f’biċċiet li jkunu twal 20 ċentimetru jew iktar u li jkunu jiżnu kilogramma jew iżjed. L-immarkar jippermetti li ċertifikat jintrabat mal-kampjuni tal-avorju kkonċernati u jtejjeb it-traċċabbiltà tas-sistema.

Qed jiġi rrakkomandat li dan l-immarkar isir skont ir-Riżoluzzjoni 10.10 (ir-reviżjoni CoP17) tal-Konferenza tas-CITES, jiġifieri kif ġej: “is-snien twal sħaħ bil-ponta ta’ kull daqs u l-avorju li jkun imqatta’ f’biċċiet li jkunu twal 20 ċentimetru jew iktar u li jkunu jiżnu kilogramma jew iżjed għandhom jiġu mmarkati permezz ta’ martell tal-istim li bih jittaqqbu toqob fis-sħun, linka li ma titħassarx jew xi tip ta’ mmarkar permanenti ieħor, billi tintuża l-formola li ġejja: il-kodiċi tal-pajjiż tal-oriġini tal-ISO magħmul minn żewġ ittri, l-aħħar żewġ ċifri tas-sena/in-numru tas-serje għas-sena/il-piż f’kilogrammi (pereżempju KE 00/127/14). Huwa rrikonoxxut li l-Partijiet għandhom sistemi differenti tal-immarkar u jistgħu japplikaw prattiki differenti biex jispeċifikaw in-numru tas-serje u s-sena (li tista’ tkun, pereżempju, is-sena tar-reġistrazzjoni jew tal-irkupru), iżda li s-sistemi kollha jridu jwasslu biex kull biċċa avorju mmarkata jkollha numru uniku. Fil-każ tas-snien twal sħaħ bil-ponta, dan in-numru għandu jiġi mmarkat fil-parti tal-‘marka tax-xoffa’ u għandu jiġi mmarkat b’sinjal ikkulurit.”

Fir-Riżoluzzjoni jingħad li l-marka għandha tindika l-pajjiż tal-oriġini, iżda jekk dan il-pajjiż ma jkunx magħruf meta Stat Membru tal-UE jagħmel din il-marka, għandu jingħata l-kodiċi tal-ISO tal-pajjiż li jkun qed jagħmel il-marka. L-Istati Membri jistgħu jqisu li jkun xieraq li jobbligaw lid-detentur tal-avorju jew lil sid l-avorju jkopri l-ispejjeż tal-immarkar permanenti.

Ladarba l-kampjun ikun ġie mmarkat b’mod permanenti, il-kodiċi għandu jiddaħħal f’bażi tad-dejta elettronika sabiex jitħaffu l-verifiki fil-ġejjieni, flimkien man-numru taċ-ċertifikat u mat-tagħrif rilevanti kollu dwaru, bħat-tul, il-piż u l-istatus ta’ qabel il-Konvenzjoni tiegħu. Fejn dan ikun possibbli, it-tagħrif għandu jiġi rreġistrat fil-livell nazzjonali. Jekk it-tagħrif jiġi rreġistrat fil-livell lokali jew reġjonali, għandu jkun hemm mekkaniżmu biex it-tagħrif jinqasam mal-awtorità ċentrali (nazzjonali) tas-CITES jew biex din l-awtorità tissorvelja dan it-tagħrif. Qed jingħata parir ukoll biex, wara li jiġu mmarkati, il-kampjuni jiġu ddokumentati permezz tar-ritratti, u dawn ir-ritratti jinżammu flimkien mar-rekords tal-kampjuni.

L-Istati Membri rrappurtaw li ltaqgħu ma’ xi problemi biex jivverifikaw il-validità taċ-ċertifikati tal-kummerċ fl-UE u b’hekk kellhom diffikultà biex jikkonfermaw l-identità tal-kampjun ikkonċernat (għas-snien twal bil-ponta mhux maħdumin). Sabiex jittrattaw dawn il-kwistjonijiet, l-Istati Membri qed jingħataw parir li jsegwu dan li ġej:

li jeżiġu ritratti tal-kampjuni tal-avorju (b’mod speċjali tas-snien twal sħaħ bil-ponta mhux maħdumin) u, fejn is-sistemi nazzjonali jħalluhom jagħmlu dan, li jiżguraw li r-ritratti jkunu mwaħħlin fuq iċ-ċertifikat tal-kummerċ fl-UE kkonċernat jew mehmużin miegħu. Ir-ritratti għandhom jiġu skenjati u jinżammu mar-rekords taċ-ċertifikat maħruġ. Il-karatteristiċi li jistgħu jiġu ddokumentati (u li jistgħu jgħinu biex il-kampjun jiġi identifikat) jinkludu l-lewn, il-qasmiet u dannu ieħor karatteristiku; it-tundjatura tas-sinna twila bil-ponta; u l-bażi (pereżempju jekk tkunx maqtugħa dritta jew le). Ikun utli li jingħataw ritratti tas-sinna twila bil-ponta kollha u tal-bażi. Jekk is-sinna twila bil-ponta jkun fiha inċiżjoni, għandu jintbagħat ukoll ritratt li juri d-dettalji tal-inċiżjoni u l-pożizzjoni tagħha fuq is-sinna. Ir-ritratti tal-avorju li għalih ikun inħareġ ċertifikat huma importanti b’mod speċjali meta l-avorju ma jkunx ġie mmarkat,

li, fuq iċ-ċertifikat, jinkludu dettalji dwar kif tkejlu l-piż u t-tul tal-kampjun tal-avorju, kif ukoll iċ-ċirkonferenza tal-bażi. It-tagħrif rilevanti dwar il-piż jinkludi meta ġie stabbilit il-piż (il-kampjun intiżen meta nħareġ iċ-ċertifikat jew intuża tagħrif antik dwar il-piż?) u dwar jekk il-piż jinkludix kwalunkwe oġġett mehmuż mas-sinna twila bil-ponta (bħal għata fuq il-bażi jew oġġett mehmuż mas-sinna biex din titwaħħal mal-ħajt), li seta’ tneħħa meta l-kampjun intiżen wara. It-tagħrif rilevanti dwar it-tul jinkludi jekk it-tul speċifikat huwiex it-tul ta’ barra jew ta’ ġewwa, u jekk dan huwiex mill-ponta sal-bażi (jew huwiex xi kejl ieħor),

li jirreġistraw kemm l-għadd ta’ kampjuni kkonċernati u kemm il-kwantità tagħhom f’piż (f’kilogrammi) (minħabba li d-daqs tal-kampjuni jvarja b’mod konsiderevoli).


17.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 154/15


AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Gwida dwar il-kampjuni maħdumin skont ir-Regolamenti tal-UE dwar il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi

(2017/C 154/07)

Din il-gwida hija maħsuba biex tgħin lill-Istati Membri tal-UE u lill-partijiet ikkonċernati jivvalutaw x’jista’ jikkwalifika bħala “kampjun maħdum li nkiseb aktar minn 50 sena qabel” (“kampjun maħdum”) skont ir-Regolamenti tal-UE dwar il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi (1) jew le, u b’hekk għandha tgħinhom jiddeċiedu meta għandhom japplikaw id-deroga ġenerali mill-ħtieġa li jiksbu ċertifikat għall-kummerċ fl-UE għall-kampjuni maħdumin tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness A tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u meta le.

Din il-gwida tista’ tintuża wkoll fil-każ tal-introduzzjoni tal-kampjuni maħdumin tal-ispeċijiet elenkati fl-Annessi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 fl-UE jew tar-riesportazzjoni tagħhom mill-UE meta l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-permessi tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni u għall-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ riesportazzjoni għal dawn il-kampjuni ma jkunux daqshekk stretti daqs dawk għall-ħruġ ta’ dawn il-permessi jew ta’ dawn iċ-ċertifikati għal kampjuni oħrajn tal-istess speċijiet (2).

Minħabba l-varjetà kbira ta’ kampjuni li jistgħu jidħlu fid-definizzjoni tal-kampjuni maħdumin u l-firxa tagħhom, din il-gwida hija maħsuba biss biex tiggwida lil dak li jkun u biex tgħinu jivvaluta jekk tistax tapplika d-definizzjoni tal-kampjuni maħdumin jew le. Jekk dak li jkun ikollu xi dubju dwar jekk kampjun jikkwalifikax bħala kampjun maħdum jew le, għandu jibgħat applikazzjoni lill-Awtorità Amministrattiva tas-CITES għal ċertifikat għall-kummerċ fl-UE marbut mal-użu kummerċjali.

Dan huwa dokument ta’ gwida li ħejjietu l-Kummissjoni u li approvah b’mod unanimu l-Grupp ta’ Esperti tal-Awtoritajiet Amministrattivi Kompetenti tas-CITES.

Dan id-dokument ta’ gwida jesprimi l-mod kif il-Kummissjoni tinterpreta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u l-miżuri li hija tqis li huma prattiki tajbin. Huwa maħsub biex jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali, liċ-ċittadini u lin-negozji japplikaw ir-Regolamenti tal-UE dwar il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi. Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li għandha l-kompetenza tinterpreta b’mod awtorevoli l-liġijiet tal-Unjoni.

Xi Stati Membri tal-UE u pajjiżi oħrajn li mhumiex Stati Membri tal-UE jistgħu japplikaw kontrolli nazzjonali iktar stretti fuq il-kampjuni li jistgħu jintużaw għal skopijiet kummerċjali jew le. Għalhekk, qabel ma wieħed jibgħat kampjun maħdum xi mkien ieħor, wieħed għandu jiċċekkja r-regoli li jkunu fis-seħħ fil-pajjiż destinatarju.

1.   Daħla

1.1.

Id-definizzjoni ta’ “kampjun maħdum” tingħata fl-Artikolu 2(w) tar-Regolament (KE) Nru 338/97, u hija din li ġejja:

“‘kampjuni maħduma li nkisbu aktar minn 50 sena qabel’ għandha tfisser kampjuni li kienu nbidlu sostanzjalment mill-istat naturali tagħhom f’ġojjelli, tiżjin, arti, utilità, jew strumenti mużikali, aktar minn 50 sena qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament  (3) u li kienu, għas-sodisfazzjoni tal-awtorità tal-amministrazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, akkwistati b’dawk il-kondizzjonijiet. Kampjuni bħal dawn għandhom ikunu meqjusa bħala maħduma biss jekk ikun ċar li kienu f’waħda mill-kategoriji msemmija qabel u li ma jenħtiġux aktar tqattigħ, xogħol jew manifattura biex iwettqu l-iskop tagħhom”.

Ġeneralment, il-kampjuni li jikkwalifikaw bħala kampjuni maħdumin jissejħu “antikitajiet”.

Din il-gwida tapplika f’dawk il-każijiet fejn tapplika d-definizzjoni tal-kampjuni maħdumin skont ir-Regolamenti tal-UE dwar il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi, jiġifieri skont l-Artikoli li ġejjin:

l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 338/97 dwar l-introduzzjoni fil-Komunità,

l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 338/97 dwar l-esportazzjoni u r-riesportazzjoni mill-Komunità,

l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 338/97 dwar id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontroll tal-attivitajiet kummerċjali fl-UE, u

l-Artikolu 62(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 (4) dwar l-eżenzjonijiet ġenerali mill-Artikolu 8(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 338/97.

1.2.

Skont id-definizzjoni tal-“kampjuni maħdumin” mogħtija hawn fuq, l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat trid tkun issodisfata li l-kampjun ikun inkiseb b’kundizzjonijiet li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ kampjun maħdum.

Id-definizzjoni hija magħmula mill-kriterji li ġejjin, li kollha jridu jiġu vvalutati:

il-kampjun ġie mmanifatturat jew inħadem qabel it-3 ta’ Marzu 1947;

il-kampjun inbidel sostanzjalment mill-istat naturali tiegħu;

il-kampjun jidħol biċ-ċar f’waħda mill-kategoriji tal-ġojjelli, tat-tiżjin, tal-arti, tal-utilità jew tal-istrumenti mużikali, u ma għandux bżonn ta’ aktar tqattigħ, xogħol jew manifattura biex iwettaq l-iskop tiegħu;

l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat hija ssodisfata li l-kampjun inkiseb b’dawk il-kundizzjonijiet.

Din il-gwida tittratta dawn il-kriterji billi twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:

(a)

dak li jkun kif għandu jistabbilixxi jekk kampjun maħdum ġiex immanifatturat jew inħadimx qabel it-3 ta’ Marzu 1947 jew le;

(b)

dak li jkun kif għandu jistabbilixxi jekk kampjun inbidilx sostanzjalment mill-istat naturali tiegħu f’ġojjelli, tiżjin, arti, utilità, jew strumenti mużikali u ma jenħtiġx aktar tqattigħ, xogħol jew manifattura biex iwettaq l-iskop tiegħu jew le;

(c)

dak li jkun kif għandu jistabbilixxi jekk il-livell ta’ restawr huwiex aċċettabbli biex kampjun xorta waħda jibqa’ jissodisfa l-kriterju ta’ kampjun “li ma [jenħtiġx] aktar tqattigħ, xogħol jew manifattura biex [iwettaq] l-iskop [tiegħu]” jew le;

(d)

dak li jkun kif għandu jistabbilixxi jekk l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat tistax tkun issodisfata li l-kampjun inkiseb b’kundizzjonijiet li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “kampjun maħdum” jew le.

2.   Il-kriterji biex dak li jkun jistabbilixxi jekk kampjun maħdum ġiex immanifatturat jew inħadimx qabel it-3 ta’ Marzu 1947 jew le

2.1.

Il-kampjun irid ikun ġie mmanifatturat jew ikun inħadem iktar minn 50 sena qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97, jiġifieri qabel it-3 ta’ Marzu 1947.

2.2.

Il-kampjuni li jkunu nħadmu mill-ġdid qabel it-3 ta’ Marzu 1947 jistgħu jitqiesu bħala kampjuni maħdumin għall-finijiet tad-deroga jekk huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħrajn tad-definizzjoni tal-kampjuni maħdumin.

2.3.

Kampjun li jkun inħadem wara l-1947 jew li jkun inħadem mill-ġdid wara dik id-data ma jkunx jissodisfa d-definizzjoni anke jekk il-kampjun ikun jista’ jingħata data oriġinali li tkun qabel it-3 ta’ Marzu 1947. Pereżempju boċċa tal-biljard tal-avorju li tkun inħadmet mill-ġdid f’manku ta’ bastun ma tkunx tissodisfa l-kriterji tad-deroga jekk din tkun inħadmet mill-ġdid fis-sittinijiet, anke jekk l-avorju jkun jista’ jingħata data oriġinali li tkun qabel l-1947. Eżempju ieħor huwa kampjun li jkun inħadem wara t-3 ta’ Marzu 1947 b’injam li jkun jista’ jingħata data oriġinali li tkun qabel l-1947.

2.4.

Il-persuna li tkun kisbet il-kampjun jew il-kampjuni qabel it-3 ta’ Marzu 1947 mhux bilfors li tkun is-sid attwali tagħhom.

3.   Il-kriterji biex dak li jkun jistabbilixxi jekk kampjun “[inbidilx] sostanzjalment mill-istat naturali [tiegħu] f’ġojjelli, tiżjin, arti, utilità, jew strumenti mużikali” jew le

3.1.

L-iskop tal-bdil tal-kampjun irid ikun biċ-ċar biex jintuża f’ġojjelli, tiżjin, arti, utilità, jew strumenti mużikali. Barra minn hekk, il-kampjun ma jridx ikun jenħtieġ aktar tqattigħ, xogħol jew manifattura biex iwettaq l-iskop tiegħu.

3.2.

Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu vvalutati biss każ każ (ara t-Taqsima 4 wkoll).

3.3.

Sabiex parti minn xi annimal (bħas-snien, is-snien twal bil-ponta, il-qrun, il-qrun imsaġġrin, il-ġilda, l-għadam jew il-qoxra tiegħu) tikkwalifika bħala kampjun maħdum, trid tkun inbidlet sostanzjalment mill-istat naturali tagħha, pereżempju billi tkun inbidlet f’forma oħra permezz ta’ tinqix, inċiżjonijiet jew manifattura.

3.4.

Il-fatt li kampjun jiġi illustrat jew jitwaħħal ma’ materjal ieħor, bħall-immuntar, ma jwassalx biex dan jibda jitqies bħala kampjun maħdum.

3.5.

Kull bidla fil-kampjun ma tridx tkun tista’ titreġġa’ lura. Irid ikun ċar li ma hemm l-ebda interess li l-kampjun jintuża għal skopijiet oħrajn u li ma jkun hemm l-ebda ħsieb li jsir dan.

3.6.

Għall-avorju li ġej mill-iljunfanti, dan ifisser li s-snien twal bil-ponta mhux maħdumin jew il-biċċiet minn dawn is-snien (li jistgħu jkunu illustrati iżda mhux imnaqqxin jew b’xi inċiżjoni), li jkunu mwaħħlin ma’ ras ta’ mewt jew le, ma jikkwalifikawx bħala kampjuni maħdumin (5). Biex sinna twila bil-ponta jew parti minnha tikkwalifika bħala kampjun maħdum, irid ikun sarilha ammont kbir ta’ tinqix jew ta’ inċiżjonijiet li jkun ikopri tal-inqas 90 % minn wiċċha. Jekk sinna twila bil-ponta tkun tnaqqxet kemm kemm jew ikunu sarulha ftit inċiżjonijiet jew tkun ġiet immarkata kemm kemm fil-wiċċ iżda tibqa’ sostanzjalment l-istess fil-forma tagħha bħal fl-istat naturali tagħha, din ma titqiesx bħala kampjun maħdum.

3.7.

Jekk qarn tar-rinoċeronti, jew parti minnu, jkun tnaqqax kemm kemm jew ikunu sarulu ftit inċiżjonijiet jew ikun ġie mmarkat kemm kemm fil-wiċċ iżda jibqa’ sostanzjalment l-istess fil-forma tiegħu bħal fl-istat naturali tiegħu, dan ma jitqiesx bħala kampjun maħdum.

3.8.

Il-kampjuni tal-qrun tar-rinoċeronti bħall-qrun sħaħ tar-rinoċeronti jew partijiet minnhom li jkollhom arloġġi, klamar, barometri jew oġġetti oħrajn imdaħħlin fihom, fejn il-qarn jibqa’ ma jinbidilx sostanzjalment u/jew fejn ma jkunx jista’ jintwera biżżejjed valur artistiku b’mod indipendenti skont il-punt 5.6 ta’ din il-gwida, ma jikkwalifikawx bħala kampjuni maħdumin. Għandu jitqies ukoll id-dokument ta’ gwida tal-UE dwar l-esportazzjoni, ir-riesportazzjoni u l-kummerċ fl-UE tal-qrun tar-rinoċeronti (6).

3.9.

L-irjus tal-mewt, l-iskeletri (kemm jekk ikunu bil-ġogi u bl-għekiesi kollha u kemm jekk le) u l-għadam individwali li jkunu tnaddfu, tlestew, ġew illustrati, ġew immuntati jew tħejjew mod ieħor ma jitqisux bħala kampjuni maħdumin. L-irjus tal-mewt u l-qrun li jkunu ġew immuntati, pereżempju, fuq plakka tal-injam jew fuq xi tip ta’ bażi oħra tal-injam ma jikkwalifikawx bħala kampjuni maħdumin (inkluż meta l-qrun ikunu mwaħħlin ma’ ras ta’ mewt).

3.10.

B’mod ġenerali, l-annimali bbalzmati bħal, pereżempju, l-għasafar immuntati u bbalzmati, jissodisfaw il-kundizzjoni mogħtija fid-definizzjoni tal-kampjuni maħdumin li huma jkunu “nbidlu sostanzjalment mill-istat naturali tagħhom” (ara l-Kawża C-154/02 tal-Qorti tal-Ġustizzja).

3.11.

L-Appendiċi I ta’ din il-gwida fih eżempji illustrattivi ta’ kampjuni li, minkejja li nkisbu fl-istat aħħari tagħhom qabel it-3 ta’ Marzu 1947, ma jikkwalifikawx bħala kampjuni maħdumin minħabba li ma nbidlux biżżejjed.

3.12.

L-Appendiċi II ta’ din il-gwida fih eżempji illustrattivi ta’ kampjuni li nkisbu fl-istat aħħari tagħhom qabel it-3 ta’ Marzu 1947, li ħafna drabi jiġu nnegozjati b’mod kummerċjali u li jikkwalifikaw bħala kampjuni maħdumin minħabba li nbidlu biżżejjed.

4.   Il-kriterji biex dak li jkun jistabbilixxi jekk il-livell ta’ “restawr” u ta’ “ħdim mill-ġdid” huwiex aċċettabbli biex kampjun xorta waħda jibqa’ jissodisfa l-kriterju ta’ kampjun “li ma [jenħtiġx] aktar tqattigħ, xogħol jew manifattura biex [iwettaq] l-iskop [tiegħu]” jew le

4.1.

B’mod ġenerali, il-“kampjuni maħdumin” ma jistgħux jinħadmu mill-ġdid u jridu jkunu baqgħu fl-istat oriġinali “maħdum” tagħhom wara t-3 ta’ Marzu 1947, tkun xi tkun l-età tal-materjal ikkonċernat (7).

4.2.

Madankollu, ma jkunx realistiku li wieħed jistenna li kampjun jibqa’ diversi sekli fil-kundizzjoni oriġinali tiegħu, u allura l-attivitajiet kummerċjali leġittimi marbutin mar-restawr tal-antikitajiet huma permessi. Ir-restawr ma jistax jibdel l-iskop li għalih il-kampjun kien maħsub oriġinarjament.

4.3.

Il-ħdim mill-ġdid bl-użu ta’ materjal imniżżel fil-listi tas-CITES li jkun inkiseb wara t-3 ta’ Marzu 1947 tfisser li kampjun ma jibqax jikkwalifika bħala kampjun maħdum. Pereżempju, il-ħdim mill-ġdid ta’ kampjuni tad-Dalbergia nigra (l-injam tal-warda tal-Brażil), bħat-twavel tal-paviment jew il-panewijiet, biex dawn jiffurmaw l-istruttura ta’ kitarri ġodda ma jikkwalifikax bħala xogħol ta’ restawr. L-użu ta’ żewġ kampjuni bil-ħsara biex minnhom isir kampjun perfett ukoll huwa eskluż mill-ambitu tad-definizzjoni. Pereżempju jekk wieħed jieħu żewġ kaxxetti tat-te bil-ħsara, iżarmahom kompletament u joħloq kaxxetta ġdida tat-te mill-partijiet tagħhom li ma jkunux bil-ħsara, dan ma jkunx jissodisfa d-definizzjoni.

4.4.

Madankollu, it-tiswija b’materjali li mhumiex imniżżlin fil-listi tas-CITES tkun tikkwalifika għad-definizzjoni ta’ kampjun maħdum. Pereżempju l-bdil taċ-ċappetti tar-ram ta’ kaxxetta antika tat-te magħmula mill-qoxra ta’ fekruna mniżżla fil-listi tas-CITES jissodisfa l-kundizzjonijiet tad-definizzjoni, jekk ikun jissodisfa wkoll rekwiżiti oħrajn.

4.5.

Ħafna kampjuni jiġu rrestawrati billi jintuża materjal minn eżempji bil-ħsara li ma jkunu jistgħu jitranġaw bl-ebda mod sabiex jiġi rrestawrat jew jissewwa l-kampjun wieħed li jkun għadu fi stat tajjeb. Meta fir-restawr jintuża materjal imniżżel fil-listi tas-CITES, dan il-materjal irid ikun ta’ qabel id-data meta l-ispeċi tkun tniżżlet fil-lista tas-CITES biex il-kampjun irrestawrat ikun jista’ jibqa’ jitqies bħala kampjun maħdum. Pereżempju meta jkollu jiddaħħal avorju addizzjonali f’għamara li tkun intarsjata bl-avorju biex tissewwa xi ħsara fl-intars oriġinali, dan jista’ jiġi kklassifikat bħala restawr u l-kampjun jista’ jibqa’ jitqies bħala kampjun maħdum jekk ikun jissodisfa wkoll rekwiżiti oħrajn jekk l-avorju li jintuża fit-tiswija jkun ta’ qabel id-data meta l-ispeċi tkun tniżżlet fil-lista tas-CITES (jiġifieri jkun “ta’ qabel il-Konvenzjoni”). Bl-istess mod, meta tittieħed il-qoxra ta’ fekruna ta’ qabel il-Konvenzjoni minn kaxxetta tat-te biex biha tiġi rrestawrata kaxxetta tat-te oħra, dan jista’ jitqies bħala restawr u mhux bħala ħdim mill-ġdid.

5.   Il-kriterji biex dak li jkun jistabbilixxi jekk l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat tistax tkun issodisfata li l-kampjun inkiseb b’kundizzjonijiet li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “kampjun maħdum” jew le

5.1.

Huwa sid il-kampjun jew min ikun qed ibiegħu li għandu r-responsabbiltà juri li dak il-kampjun partikulari jissodisfa d-definizzjoni ta’ kampjun maħdum.

5.2.

Meta jirċievu applikazzjoni, l-awtoritajiet amministrattivi se jqisu r-Regolamenti tal-UE dwar il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi, din il-gwida, kull dokument ta’ gwida rilevanti ieħor li jkun inħareġ għall-ispeċi speċifika u l-każijiet preċedenti biex jistabbilixxu jekk kampjun jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jitqies bħala kampjun maħdum jew le.

5.3.

Ħlief fil-każijiet imsemmijin fil-punt 5.6, l-awtorità amministrattiva se taċċetta li espert fil-qasam rilevanti jivverifika l-età ta’ kampjun maħdum u jekk dan jikkwalifikax bħala ġojjell, tiżjin jew arti. Dan l-espert jista’ jkun xi ħadd speċjalizzat fl-antikitajiet, kuratur ta’ mużew jew xi espert ieħor li jkun irrikonoxxut minn assoċjazzjoni tal-kummerċ, minn korp rappreżentattiv jew minn organizzazzjoni simili rilevanti. Dan jista’ jkun il-persuna involuta fl-użu kummerċjali assoċjat tal-kampjun ikkonċernat jekk ikollu l-għarfien espert meħtieġ.

5.4.

Jista’ jkun li xi Stati Membri jistaqsu lil individwi partikulari biex jivvalutaw l-età tal-kampjuni u biex jivvalutaw jekk kampjun jikkwalifikax bħala ġojjell, tiżjin jew arti, u għalhekk l-applikanti għandhom jiċċekkjaw dan mal-awtorità amministrattiva tagħhom.

5.5.

Jista’ jkun li l-Awtorità Amministrattiva tas-CITES taċċetta wkoll bħala prova tal-età ta’ kampjun l-evidenza tal-oriġini li jibagħtu s-sidien li tkun fil-forma ta’ riċevuti jew atti tal-bejgħ oriġinali ddatati jew ta’ artikli tal-gazzetti ddatati li jkun fihom ritratti jew deskrizzjonijiet iddettaljati tal-kampjun.

5.6.

Madankollu, jekk l-awtorità amministrattiva jkollha dubji dwar l-età tal-kampjun jew dwar jekk il-kampjun jikkwalifikax bħala ġojjell, tiżjin jew arti, b’mod speċjali f’każ li jkun hemm speċijiet f’riskju għoli bħall-iljunfanti, ir-rinoċeronti u t-tigri involuti, u/jew f’każ li jkun hemm suspett li hemm nuqqas ta’ konformità bi ħsieb, l-awtorità amministrattiva tista’ tiddeċiedi li ssir verifika indipendenti minn espert li ma jkunx involut fl-użu kummerċjali tal-kampjun ikkonċernat. Din il-verifika ma għandhiex issir, pereżempju, mill-bejjiegħ jew mix-xerrej jew minn intermedjarju ieħor, bħall-kumpanija tal-irkant, li jkun involut fil-bejgħ tal-kampjun.

5.7.

Din il-verifika indipendenti tal-età tal-kampjun tista’ tinkludi wkoll verifika b’kull mezz xjentifiku disponibbli (bħal, pereżempju, l-analiżi tar-radjokarbonju). Madankollu, wieħed irid iqis il-fatt li, meta jintalbu verifiki indipendenti addizzjonali bħal dawn, mhux dejjem ikun faċli li wieħed jasal għal data eżatta għall-kampjun ukoll meta jintużaw metodi bħal dawn, u li jista’ jkun hemm bżonn li jiġu ttestjati partijiet kbar mill-kampjun u dan jista’ jwassal għal ħsara fil-kampjun u jaffettwa l-valur artistiku tiegħu u l-valur tiegħu fi flus.

5.8.

Huwa diffiċli li wieħed jasal għall-età eżatta tal-annimali bbalzmati, b’mod speċjali tal-għasafar tal-priża, u jista’ jkun diffiċli li wieħed jipprova li l-kampjun kien fl-istat aħħari tiegħu qabel it-3 ta’ Marzu 1947. Meta l-annimali bbalzmati jkunu ġew irrestawrati, dan jista’ jkompli jikkumplika l-proċess ta’ verifika. Biex annimal ibbalzmat irrestawrat jitqies bħala kampjun maħdum, l-awtorità amministrattiva trid tirċievi biżżejjed provi tal-istatus oriġinali tal-kampjun mal-kisba bħala kampjun maħdum.

5.9.

L-awtoritajiet amministrattivi jistgħu jitolbu li jittieħdu miżuri addizzjonali fil-valutazzjoni, jew idaħħlu t-tali miżuri, u għalhekk huwa importanti li meta applikant jibgħat l-applikazzjoni tiegħu, huwa jiċċekkja li jkun ta t-tagħrif meħtieġ kollu.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1), u r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tiegħu.

(2)  Ara l-Artikoli 4(5)(b) u 5(6)(i) tar-Regolament (KE) Nru 338/97.

(3)  “50 sena qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament” tfisser qabel it-3 ta’ Marzu 1947.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 tal-4 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 166, 19.6.2006, p. 1).

(5)  Ir-Riżoluzzjoni 10.10 (ir-reviżjoni CoP17) tal-Konferenza tas-CITES: a) it-terminu “avorju mhux maħdum” għandu jinkludi s-snien twal sħaħ kollha bil-ponta tal-iljunfanti, illustrati jew le, fi kwalunkwe forma, u l-avorju kollu li ġej mill-iljunfanti li jkun imqatta’ biċċiet, illustrat jew le, u li jkun mibdul kif ikun mill-forma oriġinali tiegħu, ħlief għall-“avorju maħdum”; u b) it-terminu “avorju maħdum” għandu jfisser l-avorju li jkun tnaqqax, li jkun ingħata sura jew li jkun ġie pproċessat, kollu kemm hu jew parti minnu, iżda ma għandux jinkludi s-snien twal sħaħ bil-ponta, fi kwalunkwe forma, ħlief meta l-wiċċ kollu ta’ dawn is-snien ikun tnaqqax.

(6)  NOTIFIKA TAL-KUMMISSJONI — Dokument ta’ gwida: Esportazzjoni, riesportazzjoni, importazzjoni u kummerċ fi ħdan l-UE, ta’ qrun tar-rinoċeronti (2016/C 15/02).

(7)  Ara l-punti 2.2 u 3.1 ta’ din il-gwida.


Appendiċi I

EŻEMPJI TA’ KAMPJUNI LI MHUX SE JIKKWALIFIKAW BĦALA “KAMPJUNI MAĦDUMIN”

Image

Is-snien twal bil-ponta jew partijiet minnhom li mhumiex imnaqqxin mhux se jikkwalifikaw bħala “kampjuni maħdumin”, ukoll jekk ikunu parti minn oġġett li jitqies bħala antikità. Jeżistu wkoll eżempji tat-tali kampjuni li ġew immanifatturati mill-qrun tar-rinoċeronti, mis-snien twal bil-ponta tan-narwali u mid-dwiefer tat-tigri.

Image

Is-sinna twila bil-ponta tal-iljunfant imnaqqxa ma għandhiex ammont kbir ta’ tinqix jew ta’ inċiżjonijiet li jkopri tal-inqas 90 % minn wiċċha u għalhekk mhix se tikkwalifika bħala “kampjun maħdum”.

Image

Ta’ spiss jiġu nnegozjati l-qxur sħaħ tal-fkieren tal-baħar iżda dawn mhux se jikkwalifikaw bħala “kampjuni maħdumin” sakemm l-annimal ibbalzmat ma jkunx għadu mwaħħal mal-qoxra. La l-għoti tal-verniċ u/jew l-illustrar tal-qoxra u lanqas iż-żieda ta’ tagħmir għat-twaħħil mal-ħajt mhu se jikkwalifika bħala “ħidma”.

Image

Ir-rostri tal-pixxisega mhux se jikkwalifikaw bħala “kampjuni maħdumin”.

Image

Is-snien twal bil-ponta tan-narwali u s-snien sħaħ taċ-ċetaċji mhux se jikkwalifikaw bħala “kampjuni maħdumin”. Madankollu, ara wkoll it-tagħrif dwar ix-xogħol ta’ tiżjin b’disinji mnaqqxin jew ikkuluriti mogħti fit-Taqsima msejħa “L-arti” li tittratta l-kampjuni maħdumin.

Image

Il-qrun tar-rinoċeronti u l-kampjuni l-oħrajn tal-Anness A fejn il-qrun u/jew ir-rjus tal-mewt ikunu ġew immuntati fuq plakka tal-injam mhux se jikkwalifikaw bħala “kampjuni maħdumin”. Wieħed irid joqgħod attent ħafna fil-każ tal-kampjuni tal-qrun tar-rinoċeronti li ta’ spiss jinbiegħu u jinxtraw bi prezzijiet esaġerati ħafna (ħafna drabi skont il-piż) sabiex jiddaħħlu fis-suq illegali tal-mediċina tradizzjonali. Kampjuni oħrajn tal-qrun tar-rinoċeronti li ma jkunux inbidlu sostanzjalment mill-istat naturali tagħhom, bħal dawk li jkollhom oġġetti oħrajn imdaħħlin fihom (bħal, pereżempju, arloġġi, klamar, barometri jew kampjuni oħrajn) mhux se jikkwalifikaw bħala “kampjuni maħdumin”.

Image

Brazzuletta magħmula mid-dwiefer tat-tigri mmuntati fil-fidda. Minħabba li d-dwiefer tat-tigri nfushom “mhumiex maħdumin”, jiġifieri ma nbidlux mill-istat naturali tagħhom, dawn mhux se jikkwalifikaw bħala kampjun maħdum.


Appendiċi II

EŻEMPJI TA’ KAMPJUNI LI X’AKTARX JIKKWALIFIKAW BĦALA “KAMPJUNI MAĦDUMIN”

It-taqsima numru 1

Il-ġojjelli u t-tiżjin

It-taqsima numru 2

L-arti

It-taqsima numru 3

L-utilità

It-taqsima numru 4

L-istrumenti mużikali

It-taqsima numru 1 — Il-ġojjelli u t-tiżjin

Image

Brazzuletti tal-avorju mnaqqax, dejjem jekk dawn ikunu saru qabel Marzu tal-1947. Madankollu, insibu ħafna eżempji ta’ brazzuletti moderni li jissejħu “antikitajiet”, allura wieħed għandu joqgħod attent qabel ma jiftiehem dwar il-bejgħ tat-tali oġġetti. Il-ħidma nnifisha ma tistax tingħata data oriġinali, u għalhekk se jkun hemm bżonn ta’ evidenza dokumentata biex kampjun bħal dan jingħata data oriġinali.

Image

Żibeġ tal-avorju mnaqqax, għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq.

It-taqsima numru 2 — L-arti

Image

Kalċi tal-offerti magħmul mill-qrun imnaqqxin tar-rinoċeronti. L-età ġeneralment jistabbilixxuha l-esperti mill-industrija tal-antikitajiet. Ħafna mill-eżempji li wieħed isib fin-negozju affidabbli x’aktarx li jkunu tas-seklu tmintax jew qabel.

Image

Sinna twila bil-ponta tal-iljunfant imnaqqxa b’ammont ta’ tinqix li jkopri tal-inqas 90 % minn wiċċha x’aktarx li se tikkwalifika bħala “kampjun maħdum”.

Image

Statwa żgħira tal-avorju mnaqqax.

Image

Mgħarfa ċerimonjali magħmula mill-qrun tar-rinoċeronti.

Image

Kampjuni bbalzmati (imma ara l-kummenti dwar ir-“restawr” mogħtija fil-punt 5.8).

Image

Sinna tal-balena mżejna b’disinji mnaqqxin jew ikkuluriti (wiċċ il-kampjun għandu stampi u/jew ittri mnaqqxin fih u dawn l-inċiżjonijiet joħorġu iktar bl-użu ta’ pigment).

It-taqsima numru 3 — L-utilità

Image

Basktijiet tal-idejn, żraben, kartieri, ċineg tal-arloġġi, eċċ. li s-soltu jkunu magħmulin mill-ġilda tal-kukkudrilli jew tas-sriep.

Image

Żarbun tan-nisa magħmul mill-ġilda tal-alligatur. Dawn it-tipi ta’ żraben huma popolari ħafna u għad fadal ħafna eżempji tagħhom magħmulin fis-snin tletin. Is-soltu dawn jinbiegħu minn ħwienet speċjalizzati, iżda llum il-ġurnata qed jinbiegħu dejjem iktar fuq l-Internet.

Image

Ħwejjeġ - innota li huwa diffiċli ferm li wieħed jistabbilixxi l-età tal-ħwejjeġ u ħafna drabi, sakemm ma jkunx hemm data fuq it-tikketta, jew sakemm l-età tal-ħwejjeġ ma tkunx tista’ tiġi stabbilita mir-reġistri tal-kumpanija, ikun siewi li wieħed jikkonsulta mal-esperti tal-moda.

Image

Kaxxetta tat-te, li l-parti ta’ barra tagħha ta’ spiss tkun magħmula mill-qoxra ta’ fekruna (tal-baħar) jew tista’ tkun tinkludi l-injam tal-warda tal-Brażil jew tkun intarsjata bl-avorju.

Image

Għamara, li tista’ tkun magħmula mill-injam tal-warda jew tkun intarsjata bl-avorju.

Image

Il-boċċi tal-biljard tal-avorju. Nota - dawn ta’ spiss jiġu nnegozjati wara li jkunu nħadmu mill-ġdid bħala mankijiet jew irjus tal-umbrelel jew tal-bsaten. Meta t-tali kampjuni jkunu “nħadmu mill-ġdid” wara t-3 ta’ Marzu 1947, dawn ma jibqgħux jissodisfaw id-definizzjoni ta’ kampjun maħdum.

Image

Bsaten tal-irġiel bil-manku tal-avorju, li kienu mmanifatturati ta’ spiss kemm matul is-seklu tmintax kif ukoll matul is-seklu dsatax. Madankollu, wieħed irid joqgħod attent u ma jaqbadx u jqis dawn il-kampjuni bħala antiki mill-ewwel, għax ħafna minnhom inħadmu mill-ġdid minn kampjuni oħrajn tal-avorju u ġew immanifatturati dan l-aħħar.

Image

Pożambrella magħmula minn sieq l-iljunfant li ġiet ibbalzmata u nfurrata b’sustanza oħra biex saret il-“kampjun maħdum”.

Image

Tapit magħmul mill-ġilda tat-tigra, dejjem jekk il-kampjun ikun ġie kkunzat. Jekk ir-ras ibbalzmata tal-annimal oriġinali jkun għadha mwaħħla b’mod naturali mal-ġilda, it-tapit x’aktarx jitqies bħala “kampjun maħdum” anke jekk il-ġilda ma tkunx ikkunzata. Id-dwiefer u s-snien la se jeskludu lit-twapet u lanqas lill-irjus jew lill-kampjuni sħaħ ibbalzmati mid-definizzjoni.

Image

Kaxxetta tat-te magħmula mill-qoxra ta’ fekruna b’mudell tar-ras u tas-saqajn tal-injam u li tkun inbidlet minn ġewwa x’aktarx li tikkwalifika bħala “kampjun maħdum”.

It-taqsima numru 4 — L-istrumenti mużikali

Image

Iċ-ċirimelli, li ta’ spiss ikunu mżejna b’vajlori tal-avorju. Strumenti tan-nifs oħrajn, bħall-klarinetti, eċċ., ukoll jista’ jkollhom ċrieki tal-avorju.

Image

Il-pjanijiet l-antiki, li kważi dejjem ikollhom tasti tal-avorju iżda jistgħu jkunu wkoll intarsjati bl-avorju jew ikollhom xogħol tal-intars fl-injam tal-warda. Nota - fil-qasam tar-restawr tal-antikitajiet, meta jinbidlu xi tasti, ta’ spiss jintużaw tasti tal-avorju meħudin minn pjanijiet li jitqiesu li ma jistgħux jinbiegħu iktar.

Image

L-istrumenti tal-korda, bħall-kitarri, eċċ., ta’ spiss ikunu intarsjati bl-avorju fuq l-iskannell, fuq it-tastiera u fuq il-viti tal-ikkurdar (il-viti li magħhom ikunu mqabbdin il-kordi u li fuqhom dawn jiġu ssikkati). Dawn jista’ jkollhom ukoll struttura (fuq quddiem jew fuq wara) li tkun magħmula mill-injam tal-warda tal-Brażil.


17.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 154/27


Notifika tal-Kummissjoni dwar ir-rati ta’ interessi ta’ rkupru preżenti għall-Għajnuna mill-Istat u rati ta’ referenza/tnaqqis għat-28 Stat Membru applikabbli mill-1 ta’ Ġunju 2017

(Ippubblikat skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1))

(2017/C 154/08)

Rati bażi kkalkulati skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu biex tkun stabbilita r-rata ta’ riferenza u ta’ tnaqqis (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6). Skont l-użu tar-rata ta’ referenza, il-marġini xierqa għad għandhom ikunu ddefiniti f’din il-komunikazzjoni. Għar-rata ta’ tnaqqis, dan ifisser li għandu jiżdied marġini ta’ 100 punt bażi. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta’ Jannar 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 jipprevedi li, jekk mhux speċifikat diversament f’deċiżjoni speċifika, ir-rata ta’ rkupru għandha tkun ikkalkulata wkoll billi jkunu miżjuda 100 punt bażi fuq ir-rata bażi.

Ir-rati modifikati huma indikati b’tipa grassa.

It-tabella ta’ qabel din hija ppubblikata-ĠU C 133, 27.4.2017, p. 2.

Minn

sa

AT

BE

BG

CY

CZ

DE

DK

EE

EL

ES

FI

FR

HR

HU

IE

IT

LT

LU

LV

MT

NL

PL

PT

RO

SE

SI

SK

UK

1.6.2017

-0,10

-0,10

0,76

-0,10

0,45

-0,10

0,12

-0,10

-0,10

-0,10

-0,10

-0,10

0,70

0,37

-0,10

-0,10

-0,10

-0,10

-0,10

-0,10

-0,10

1,83

-0,10

1,10

-0,36

-0,10

-0,10

0,78

1.5.2017

31.5.2017

-0,10

-0,10

0,76

-0,10

0,45

-0,10

0,12

-0,10

-0,10

-0,10

-0,10

-0,10

0,70

0,44

-0,10

-0,10

-0,10

-0,10

-0,10

-0,10

-0,10

1,83

-0,10

1,10

-0,36

-0,10

-0,10

0,78

1.4.2017

30.4.2017

-0,08

-0,08

0,76

-0,08

0,45

-0,08

0,16

-0,08

-0,08

-0,08

-0,08

-0,08

0,83

0,44

-0,08

-0,08

-0,08

-0,08

-0,08

-0,08

-0,08

1,83

-0,08

1,10

-0,36

-0,08

-0,08

0,78

1.3.2017

31.3.2017

-0,08

-0,08

0,76

-0,08

0,45

-0,08

0,16

-0,08

-0,08

-0,08

-0,08

-0,08

1,05

0,53

-0,08

-0,08

-0,08

-0,08

-0,08

-0,08

-0,08

1,83

-0,08

1,10

-0,36

-0,08

-0,08

0,78

1.1.2017

28.2.2017

-0,07

-0,07

0,76

-0,07

0,45

-0,07

0,16

-0,07

-0,07

-0,07

-0,07

-0,07

1,05

0,75

-0,07

-0,07

-0,07

-0,07

-0,07

-0,07

-0,07

1,83

-0,07

1,10

-0,36

-0,07

-0,07

0,78