ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 92

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 60
24 ta' Marzu 2017


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Kunsill

2017/C 92/01

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Marzu 2017 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 92/02

Rata tal-kambju tal-euro

6

2017/C 92/03

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Marzu 2017 li tissostitwixxi Membru tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Pjattaforma REFIT

7

2017/C 92/04

Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea

9


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel

2017/C 92/05

Sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għall-kariga ta’ membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel

10

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 92/06

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

14


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Kunsill

24.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 92/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Marzu 2017

dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

(2017/C 92/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136, flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

L-irkupru ekonomiku fiż-żona tal-euro għadu għaddej, iżda għadu fraġli. Sar progress sinifikanti fl-aħħar snin: mill-2015, il-prodott domestiku gross (PDG) taż-żona tal-euro mar lura għal-livell ta’ qabel il-kriżi f’termini reali u l-qgħad naqas għal-livell l-aktar baxx mill-2010-2011. Madankollu d-domanda aggregata għadha batuta, l-inflazzjoni qiegħda ‘l isfel sew mill-mira, minkejja politika monetarja akkomodanti ħafna mill-Bank Ċentrali Ewropew, u t-tkabbir hu mxekkel minn dak li ħalliet warajha l-kriżi, bħal żbilanċi makroekonomiċi persistenti u livell għoli ta’ dejn fis-setturi kollha tal-ekonomija, li jirrikjedu tnaqqis fl-ingranaġġ u jnaqqsu r-riżorsi disponibbli għall-konsum u l-investiment. Barra minn hekk, filwaqt li l-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija taż-żona tal-euro kellu t-tendenza ta’ tnaqqis fit-tul, din kienet kompliet tiġi aċċentwata mill-kriżi. Minkejja sinjali ta’ titjib, in-nuqqas persistenti tal-investimenti u l-livell għoli ta’ qgħad jirriskjaw li l-prospetti ta’ tkabbir ikomplu jiddgħajfu. Kompliet in-natura asimmetrika tal-ibbilanċjar mill-ġdid tal-ekonomija taż-żona tal-euro, u kienu biss il-pajjiżi debituri netti li kkoreġew l-iżbilanċi tagħhom, u dan qed iwassal għal żieda fis-surplus fil-kont kurrenti. Fil-qafas tal-ftehim globali fi ħdan il-G20, l-Istati Membri taż-żona tal-euro huma msejħa biex — individwalment u kollettivament — jużaw l-għodod politiċi kollha, inkluż dawk fiskali u strutturali, biex jiksbu tkabbir b’saħħtu, sostenibbli, ibbilanċjat u inklużiv.

(2)

Riformi strutturali ambizzjużi għandhom jiffaċilitaw ir-riallokazzjoni effiċjenti u bla xkiel tar-riżorsi umani kif ukoll tal-kapital u jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi maħluqa minn bidliet teknoloġiċi u strutturali kontinwi. Huma meħtieġa riformi li joħolqu klima li tgħin lin-negozju, jikkompletaw is-Suq Uniku u jneħħu l-ostakli għall-investiment. Dawk l-isforzi huma kruċjali sabiex jiżdiedu l-produttività u l-impjiegi, tissaħħaħ il-konverġenza u jissaħħu t-tkabbir potenzjali u l-kapaċità ta’ aġġustament tal-ekonomija taż-żona tal-euro. L-implimentazzjoni tar-riforma strutturali, bil-ħolqien ta’ swieq effiċjenti b’mekkaniżmi reattivi ta’ prezzijiet, tappoġġa l-politika monetarja billi tiffaċilita t-trasmissjoni tagħha fl-ekonomija reali. Ir-riformi li jneħħu l-ostakli għall-investiment u jappoġġaw l-investiment jistgħu jagħtu benefiċċju doppju b’appoġġ għall-attività ekonomika fuq perijodu qasir ta’ żmien u ħolqien ta’ kapaċità għal tkabbir sostenibbli u inklużiv fit-tul. Ir-riformi li jtejbu l-produttività huma partikolarment importanti għall-Istati Membri bi bżonnijiet kbar ta’ tnaqqis fl-ingranaġġ marbuta ma’ dejn estern għoli, peress li tkabbir iktar mgħaġġel jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dejn bħala proporzjon tal-PDG. It-tisħiħ tal-kompetittività tal-prezzijiet u ta’ dik li mhix marbuta mal-prezzijiet jikkontribwixxi ulterjorment għall-ibbilanċjar mill-ġdid estern f’dawk il-pajjiżi. L-Istati Membri b’surpluses kbar fil-kontijiet kurrenti jistgħu jikkontribwixxu għall-ibbilanċjar mill-ġdid fiż-żona tal-euro billi jintroduċu miżuri, inkluż riformi strutturali, li jiffaċilitaw it-trasmissjoni tat-tfaddil eċċessiv lejn id-domanda domestika, b’mod partikolari billi jissaħħaħ l-investiment. Il-kuntest attwali ta’ rati ta’ imgħax baxxi joffri wkoll opportunitajiet addizzjonali f’dak ir-rigward, b’mod partikolari fi Stati Membri bi spazju fiskali sinifikanti.

(3)

Koordinazzjoni aħjar tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, inkluż dawk preskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u dawk meħtieġa biex jikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), tista’ tiġġenera effetti pożittivi fl-Istati Membri u ssaħħaħ l-effetti pożittivi tagħhom fuq perijodu qasir ta’ żmien. Id-diskussjonijiet tematiċi tal-Grupp tal-Euro fil-fatt kienu siewja biex jinbena fehim komuni tal-prijoritajiet ta’ riforma fiż-żona tal-euro, fejn kien hemm kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, promozzjoni tal-implimentazzjoni tar-riforma u tal-konverġenza strutturali. Dawk id-diskussjonijiet għandhom jissoktaw fil-Grupp tal-Euro, u jissaħħu fejn possibbli, inkluż billi jsir użu effettiv mill-prinċipji u l-valutazzjoni komparattiva komuni u miftiehma. Dawk id-diskussjonijiet għandhom ikomplu bla ħsara għad-diskussjonijiet li għaddejjin fil-konfigurazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, u b’rikonoxximent tar-rilevanza u n-natura tal-isfidi u l-esperjenzi komuni mal-Unjoni kollha fejn dan japplika. B’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività (1) adottata fl-20 ta’ Settembru 2016, il-Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex irawmu s-sjieda u l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa fil-livell nazzjonali.

(4)

Hija essenzjali koordinazzjoni b’saħħitha ta’ politiki fiskali nazzjonali, ibbażati fuq regoli komuni, biex wieħed jasal għal pożizzjoni fiskali aggregata adatta u għall-funzjonament tajjeb tal-unjoni monetarja. Ir-regoli fiskali komuni huma mmirati lejn is-sostenibbiltà tad-dejn fil-livell nazzjonali, filwaqt li jiġi pprovdut spazju għal stabbilizzazzjoni makroekonomika. Konsegwentement, il-pożizzjonijiet fiskali nazzjonali u dawk aggregati taż-żona tal-euro għandhom jibbilanċjaw l-objettiv doppju tal-iżgurar tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi nazzjonali u l-istabbilizzazzjoni makroekonomika fuq perijodu qasir ta’ żmien kemm fil-livell ta’ pajjiż kif ukoll fil-livell taż-żona tal-euro. Fl-istadju attwali ta’ inċertezza kbira dwar is-saħħa tal-irkupru u l-livell tal-kapaċità żejda fl-ekonomija, meta l-politika monetarja wasslet għal akkomodazzjoni sostanzjali, hi meħtieġa politika fiskali fil-livell taż-żona tal-euro biex tikkomplementa l-politika monetarja li tappoġġa d-domanda, b’mod partikolari fl-investiment, u li timxi lil hinn minn inflazzjoni baxxa waqt li jittieħed kont kif xieraq tat-tħassib attwali dwar is-sostenibbiltà tad-dejn. L-effettività tal-politika fiskali, inkluż l-effetti kollaterali madwar il-pajjiżi, hi msaħħa mill-kuntest ta’ rati baxxi ta’ imgħax. Fil-komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Lejn pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro” maħruġa fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni tqis li għall-2017, hija mixtieqa espansjoni fiskali ta’ mhux anqas minn 0,5 % tal-PDG fil-livell taż-żona tal-euro kollha kemm hi fiċ-ċirkostanzi preżenti.

F’Lulju 2016, il-Grupp tal-Euro, abbażi tal-analiżi tal-Kummissjoni, ikkonkluda li l-pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali fl-2017 sabet bilanċ xieraq. F’Diċembru 2016, il-Grupp tal-Euro ssottolinja l-importanza li jinstab bilanċ xieraq bejn il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà u l-ħtieġa li jiġi appoġġat l-investiment, biex jissaħħaħ l-irkupru fraġli, u b’hekk jikkontribwixxi għal taħlita ta’ politika aktar bilanċjata. Fl-istess ħin, id-dejn pubbliku għadu għoli u għad hemm il-ħtieġa ta’ finanzi pubbliċi sostenibbli f’terminu medju f’għadd ta’ Stati Membri. Għal dik ir-raġuni, huwa neċessarju li jiġi żgurat li jkun hemm divrenzjar xieraq ta’ sforzi fiskali fl-Istati Membri, b’kont meħud ta’ spazju fiskali skont ir-regoli u effetti kollaterali fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro. L-Istati Membri li qed jaqbżu l-objettivi fiskali tagħhom jistgħu jużaw is-sitwazzjoni baġitarja favorevoli tagħhom għal aktar tisħiħ tad-domanda domestika u tal-potenzjal tat-tkabbir tagħhom, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiżi, filwaqt li jiġu rrispettati l-objettiv fuq terminu medju, il-prerogattivi baġitarji nazzjonali u r-rekwiżiti nazzjonali.

Per eżempju, il-garanziji tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi stabbilit mir- Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) huma mezz partikolarment effettiv għall-Istati Membri bi spazju fiskali biex jimmassimizzaw l-impatt fuq l-ekonomija reali u l-irkupru fiż-żona tal-euro. L-Istati Membri li jeħtieġu aġġustamenti fiskali ulterjuri taħt il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) għandhom jiżguraw li jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-PST għall-2017. Taħt il-parti korrettiva tal-PST, jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw korrezzjoni fil-ħin u dejjiema tad-defiċits eċċessivi tagħhom, li tipprovdi buffers fiskali għal ċirkostanzi imprevisti. L-Istati Membri għandhom jimxu fuq politiki fiskali b’rispett sħiħ tal-PST, filwaqt li jsir l-aħjar użu tal-flessibbiltà integrata fir-regoli eżistenti. Ir-riformi strutturali, b’mod partikolari dawk li jżidu l-produttività, jappoġġaw it-tkabbir u jtejbu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Barra minn hekk, titjib deċiżiv tal-kompożizzjoni u l-ġestjoni tal-baġits nazzjonali, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa, billi jċaqilqu r-riżorsi lejn investiment tanġibbli u intanġibbli, iżidu l-impatt tal-baġits fuq id-domanda fuq perijodu qasir ta’ żmien qasir u fuq il-produttività fit-tul. Huma meħtieġa oqfsa fiskali nazzjonali effettivi biex tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-politiki tal-Istati Membri u tingħata għajnuna biex jinstab l-aħjar bilanċ bejn l-istabbilizzazzjoni makroekonomika fuq perijodu qasir ta’ żmien, is-sostenibbiltà tad-dejn u t-tkabbir fit-tul.

(5)

Is-swieq tax-xogħol qed ikomplu jirkupraw gradwalment fiż-żona tal-euro, bi tnaqqis kostanti fil-qgħad. Madankollu, il-qgħad fit-tul u l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom għoljin filwaqt li l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza jibqgħu ta’ tħassib serju f’diversi Stati Membri. Minkejja l-progress fir-riformi biex titjieb ir-reżiljenza u l-kapaċità ta’ aġġustament tas-swieq tax-xogħol, għad hemm differenzi sinifikanti madwar iż-żona tal-euro, li qed ikompli jxekklu l-funzjonament tajjeb taż-żona tal-euro. Sistemi mfassla tajjeb, ġusti u inklużivi tas-suq tax-xogħol, tal-protezzjoni soċjali u tat-taxxa u dawk ta’ benefiċċju huma meħtieġa għal riallokazzjoni kostanti u bla xkiel tal-ħaddiema lejn attivitajiet aktar produttivi, biex jappoġġaw l-integrazzjoni jew ir-riintegrazzjoni ta’ dawk li huma affettwati minn transizzjonijiet bejn xogħlijiet jew li jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol, biex titnaqqas is-segmentazzjoni, tiġi promossal-konverġenza ekonomika u soċjali, inkluż billi jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità. Dawn ser iwasslu wkoll għal stabbilizzazzjoni awtomatika aktar effettiva u għal tkabbir u impjieg aktar b’saħħithom, sostenibbli u inklużivi li huma importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali fiż-żona tal-euro.

Ir-riformi neċessarji jinkludu: (i) bidliet fil-leġiżlazzjoni tal-ħarsien tal-impjiegi bl-għan li jintlaħqu arranġamenti kuntrattwali affidabbli, li jipprovdu flessibbiltà u sigurtà kemm għall-impjegati kif ukoll għal min iħaddem, jippromwovu transizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u jippermettu aġġustament fil-kostijiet tax-xogħol meta jkun meħtieġ, qasam fejn l-isforzi ta’ riforma kienu partikolarment intensi f’dawn l-aħħar snin; (ii) it-titjib tal-ħiliet billi jitjiebu l-prestazzjoni u l-effiċjenza tas-sistemi tal-edukazzjoni u l-istrateġiji komprensivi ta’ tagħlim tul il-ħajja, li jiffokaw fuq il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; (iii) politiki tas-suq tax-xogħol attivi effettivi, biex jgħinu lill-persuni bla impjieg, inkluż dawk qiegħda fit-tul, jidħlu lura fis-suq tax-xogħol u jżidu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol; u (iv) sistemi ta’ protezzjoni soċjali moderni, sostenibbli u adegwati li jikkontribwixxu b’mod effettiv u effiċjenti matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja kemm għall-inklużjoni soċjali kif ukoll għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, meta t-taxxa titneħħa minn fuq ix-xogħol, partikolarment għal dawk b’introjtu baxx u l-iżgurar ta’ sistemi tat-taxxa l-istess għal kulħadd, ir-riżultati fis-suq tax-xogħol jistgħu jitjiebu. L-Istati Membri taż-żona tal-euro li jimplimentaw riformi bħal dawn huma aktar reżiljenti u juru prestazzjoni aħjar fil-qasam tal-impjiegi u dak soċjali. It-tfassil ta’ tali riformi jeħtieġ li jieħu kont tal-impatt soċjali potenzjali tagħhom.

(6)

L-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja mexa ‘l quddiem, iżda għadu mhux lest. F’konformità mal-pjan direzzjonali ta’ Ġunju 2016, kif stipulat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2016, ser tkompli l-ħidma biex titlesta l-Unjoni Bankarja fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskji u l-kondiviżjoni tar-riskji, inkluż Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti u biex il-pjan ta’ emerġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni jsir operattiv sa mhux aktar tard minn tmiem il-perijodu transizzjonali tal-Fond kif definit fir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Filwaqt li l-flessibbiltà kumplessiva tas-settur bankarju taż-żona tal-euro żdiedet minħabba l-kriżi, il-pressjoni fuq il-banek akkumulat minħabba għadd ta’ fatturi, bħal livelli għolja ta’ self improduttiv, mudelli ta’ negozju ineffiċjenti u kapaċità żejda f’xi Stati Membri, li kollha jirriżultaw fi profitti baxxi u, f’xi każijiet, sfidi għall-vijabbiltà. Dik il-pressjoni ddgħajjef il-ħila tal-banek li jipprovdu self lill-ekonomija. Ir-riskji jinfirxu wkoll fuq l-ekonomija reali, fejn il-livell ta’ dejn pubbliku u dak privat mhux finanzjarju f’xi Stati Membri għadu għoli. Hemm ħtieġa għal tnaqqis ordnat u kontinwu fl-ingranaġġ fis-settur privat permezz ta’ ħidma, isservisjar u, jekk ikun hemm bżonn, ristrutturazzjoni tad-dejn ta’ debituri vijabbli f’diffikultà, u bir-riżoluzzjoni tal-istokks tad-dejn mhux vijabbli, sabiex il-kapital ikun jista’ jerġa’ jintuża aktar malajr u b’mod effiċjenti. F’dan il-kuntest, li jitnaqqsu l-livelli ta’ self improduttiv li għadhom għoljin u jiġu segwiti l-prinċipji komuni fit-tfassil ta’ oqfsa ta’ insolvenza għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi, inkluż billi jittejbu l-proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza u l-oqfsa ta’ riżoluzzjoni barra l-qrati, jikkostitwixxu l-komponenti ewlenin ta’ proċess ta’ tnaqqis fl-ingranaġġ li jirnexxi u li jiffavorixxi t-tkabbir.

(7)

Matul l-2016, sar xi progress fl-inizjattivi ppreżentati fir-Rapport tal-Ħames Presidenti “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa” tat-22 ta’ Ġunju 2015 imħejji mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-Grupp tal-Euro u tal-Parlament Ewropew, bħar-rwol akbar tad-dimensjoni taż-żona tal-euro tas-Semestru Ewropew, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fuq il-Bordijiet Nazzjonali għall-Produttività u l-istabbiliment ta’ Bord Fiskali Ewropew fi ħdan il-Kummissjoni. Għaddejja wkoll ħidma fuq it-titjib fit-trasparenza u t-tnaqqis tal-kumplessità tar-regoli fiskali u, f’Novembru 2015, il-Kummissjoni ħarġet proposta għal Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti. Barra minn hekk, hemm sfidi usa’ x’jiġu indirizzati fid-dawl tar-Rapport tal-Ħames Presidenti. Fl-1 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni ħarġet White Paper dwar il-Futur tal-Ewropa, li tinkludi wkoll il-futur tal-UEM. Il-qbil dwar it-triq operazzjonali ‘l quddiem tirrikjedi sens kondiviż ta’ sjieda u sens ta’ impenn komuni fost l-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll fost l-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro, u UEM b’saħħitha ser tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi li għandha quddiemha l-Unjoni b’mod iktar b’saħħtu u jkollha impatt pożittiv fuq Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro. F’dak ir-rigward, huwa importanti li d-diskussjonijiet dwar it-tlestija tal-UEM jitmexxew b’mod miftuħ u trasparenti għall-Istati Membri barra ż-żona tal-euro, b’rispett sħiħ tas-suq intern tal-Unjoni, u li, fejn xieraq, inizjattivi rilevanti jkunu miftuħa għall-Istati Membri barra ż-żona tal-euro fuq bażi ekwivalenti.

(8)

Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġew ikkonsultati dwar l-aspetti relatati mal-impjiegi u l-aspetti soċjali ta’ din ir-Rakkomandazzjoni,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li fil-perijodu 2017-2018, l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni fil-Grupp tal-Euro, b’mod individwali u kollettiv biex:

1.

Isegwu politiki li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fuq perijodu ta’ żmien qasir u fit-tul, u jtejbu l-kapaċità ta’ aġġustament, l-ibbilanċjar mill-ġdid u l-konverġenza. Jipprijoritizzaw ir-riformi li jżidu l-produttività, itejbu l-ambjent tan-negozju u dak istituzzjonali, jitneħħew l-ostakli għall-investiment, u jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi. L-Istati Membri b’defiċits fil-kontijiet kurrenti u dejn estern għoli għandhom iżidu l-produttività filwaqt li jillimitaw l-ispejjeż tal-unitajiet lavorattivi. L-Istati Membri b’surpluses kbar fil-kont kurrenti għandhom, bħala prijorità, jimplimentaw miżuri, inkluż riformi strutturali u trawwim ta’ investiment, li jgħinu fit-tisħiħ tad-domanda domestika tagħhom u l-potenzjal għat-tkabbir.

2.

Jimmiraw għal bilanċ xieraq fil-politiki fiskali bejn il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà u l-ħtieġa li l-investiment jiġi appoġġat biex jissaħħaħ l-irkupru, b’hekk jikkontribwixxu għal pożizzjoni fiskali aggregata xierqa u għal taħlita ta’ politika aktar bilanċjata. L-Istati Membri li, skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, huma f’riskju li fl-2017 ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom taħt il-PST għandhom, fuq dik il-bażi, jieħdu miżuri addizzjonali f’waqthom biex tiġi żgurata l-konformità. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri li qabżu l-objettivi tagħhom għall-perijodu medju huma mistiedna biex ikomplu jagħtu prijorità lill-investimenti sabiex jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali filwaqt li jħarsu s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. L-Istati Membri li fl-2017 huma mistennija li jkunu ġeneralment konformi mal-PST għandhom jiżguraw il-konformità mal-PST fil-proċessi baġitarji nazzjonali tagħhom. Jimxu fuq politiki fiskali b’rispett sħiħ tal-PST, filwaqt li jsir l-aħjar użu mill-flessibbiltà integrata fir-regoli eżistenti. B’mod globali, l-Istati Membri għandhom itejbu l-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi billi joħolqu aktar spazju għal investiment tanġibbli u intanġibbli, u jiżguraw il-funzjonament effettiv tal-oqfsa fiskali nazzjonali.

3.

Jimplimentaw riformi li jippromwovu l-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi, il-kwalità tal-impjiegi, ir-reżiljenza, u l-konverġenza ekonomika u soċjali, mirfuda minn djalogu soċjali effettiv. Għandhom jgħaqqdu flimkien: (i) kuntratti ta’ xogħol affidabbli li jipprovdu flessibbiltà u sigurtà għall-impjegati u għal min iħaddem; (ii) sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ ta’ kwalità u effiċjenti u strateġiji komprensivi ta’ tagħlim tul il-ħajja mmirati lejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; (iii) politiki attivi tas-suq tax-xogħol effettivi biex tkun appoġġata l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol; (iv) sistemi ta’ protezzjoni soċjali moderni, sostenibbli u adegwati li jikkontribwixxu b’mod effettiv u effiċjenti matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja kemm għall-inklużjoni soċjali kif ukoll għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. It-taxxi jiġu spostati lil hinn mix-xogħol, partikolarment għal dawk bi dħul baxx u fl-Istati Membri fejn il-kompetittività f’termini ta’ spejjeż hi inqas mill-medja taż-żona tal-euro, u dak l-ispostament tat-taxxi jsir b’mod li jkun newtrali fuq il-baġit fil-pajjiżi mingħajr spazju fiskali fejn jimmanuvraw.

4.

F’konformità mal-pjan direzzjonali ta’ Ġunju 2016, ikomplu l-ħidma biex titlesta l-Unjoni Bankarja fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskji u l-kondiviżjoni tar-riskji, inkluż Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti u biex il-pjan ta’ emerġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni jsir operattiv sa mhux aktar tard minn tmiem il-perijodu transizzjonali tal-Fond. Ifasslu u jimplimentaw strateġija effettiva għaż-żona kollha tal-euro, biex tikkomplementa azzjoni superviżorja prudenzjali li tindirizza r-riskji għall-vijabbiltà fis-settur bankarju, inkluż fir-rigward tal-livell għoli ta’ self improduttiv, mudelli ineffiċjenti ta’ negozju u kapaċità żejda. Fl-Istati Membri bi stokkijiet kbar ta’ dejn privat, jippromwovu tnaqqis ordnat fl-ingranaġġ.

5.

Jagħmlu progress lejn it-tlestija tal-UEM, b’rispett sħiħ għas-suq intern tal-Unjoni u b’mod miftuħ u trasparenti għall-Istati Membri barra ż-żona tal-euro. Imexxu iżjed ‘il quddiem l-inizjattivi li għaddejjin u l-ħidma fuq il-kwistjonijiet fuq perijodu twil għall-UEM, b’kont meħud kif xieraq tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Futur tal-Ewropa.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SCICLUNA


(1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Settembru 2016 dwar l-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività (2016/C 349/01) (ĠU C 349, 24.9.2016, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar- Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

24.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 92/6


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-23 ta’ Marzu 2017

(2017/C 92/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,0786

JPY

Yen Ġappuniż

119,36

DKK

Krona Daniża

7,4356

GBP

Lira Sterlina

0,86273

SEK

Krona Żvediża

9,5095

CHF

Frank Żvizzeru

1,0700

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,1478

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,021

HUF

Forint Ungeriż

309,22

PLN

Zloty Pollakk

4,2685

RON

Leu Rumen

4,5555

TRY

Lira Turka

3,9038

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4132

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4387

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,3780

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5303

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5086

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 207,38

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

13,4933

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,4268

HRK

Kuna Kroata

7,4178

IDR

Rupiah Indoneżjan

14 363,72

MYR

Ringgit Malażjan

4,7771

PHP

Peso Filippin

54,309

RUB

Rouble Russu

62,2001

THB

Baht Tajlandiż

37,320

BRL

Real Brażiljan

3,3608

MXN

Peso Messikan

20,5962

INR

Rupi Indjan

70,6095


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


24.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 92/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Marzu 2017

li tissostitwixxi Membru tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Pjattaforma REFIT

(2017/C 92/03)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 3261 final tad-19 ta’ Mejju 2015 li tistabbilixxi l-Pjattaforma REFIT, u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni C(2015) 3261 finali li tistabbilixxi l-Pjattaforma REFIT (minn issa ‘l quddiem “il-Pjattaforma”) tipprevedi fl-Artikolu 4 tagħha li l-Pjattaforma se tkun magħmula minn “Grupp tal-Gvern” u “Grupp tal-Partijiet Interessati” u li l-Grupp tal-Partijiet Interessati għandu jikkonsisti minn mhux aktar minn 20 espert, tnejn minnhom li jirrappreżentaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u l-bqija minn negozju, inkluż mill-SMEs, u mis-sħab soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għandhom esperjenza diretta fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. L-esperti fil-grupp tal-partijiet interessati għandhom jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom jew biex jirrappreżentaw interess komuni kondiviż minn numru ta’ partijiet interessati.

(2)

Din id-Deċiżjoni, fl-Artikolu 4.4, tistipula li l-Kummissjoni, fuq proposta tal-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, għandha taħtar il-membri tal-grupp tal-partijiet interessati magħżula minn applikanti li għandhom esperjenza diretta fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li jkunu wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet. Il-ħatriet għandhom jiżguraw, sa fejn possibbli, rappreżentazzjoni bilanċjata tad-diversi setturi, interessi u reġjuni tal-Unjoni u tal-ġeneri. L-Artikolu 4.5 tad-Deċiżjoni jistipula li l-Membri għandhom jinħatru sal-31 ta’ Ottubru 2019. Skont l-Artikolu 4.6 tad-Deċiżjoni, il-Membri li jirriżenjaw jistgħu jiġu sostitwiti għall-bqija tal-mandat tagħhom.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9063 final tas-16 ta’ Diċembru 2015 li taħtar lill-Membri tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Pjattaforma REFIT (1) tistipula li jekk xi Membru tal-Grupp tal-Partijiet Interessati jieqaf milli jkun Membru matul il-mandat tal-Pjattaforma, l-Ewwel Viċi President jista’ jinnomina sostitut minn lista inizjali ta’ kandidati li wieġbu għas-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess biex isir Membru tal-Grupp tal-Partijiet Interessati.

(4)

Wara r-riżenja tas-Sur Pierre Baussand bħala Membru tal-Grupp tal-Partijiet Interessati fis-26 ta’ Settembru 2016, l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni nnomina lis-Sa Nina Renshaw biex tieħu post is-Sur Baussand għall-bqija taż-żmien tal-mandat tiegħu.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Is-Sa Nina Renshaw hija maħtura Membru tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Pjattaforma REFIT sal-31 ta’ Ottubru 2019.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

L-Ewwel Viċi President


(1)  ĠU C 425, 18.12.2015, p. 8.


ANNESS

Isem

Nazzjonalità

Tirrappreżenta interess komuni kondiviż mill-partijiet interessati f’qasam ta’ politika partikolari

Impjegatur attwali

Is-Sa Nina Renshaw

Ir-Renju Unit

IVA

L-Alleanza Ewropea għas-Saħħa Pubblika (EPHA)


24.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 92/9


Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea

(2017/C 92/04)

Skont l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1), in-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea (2) qed jiġu emendati kif ġej:

Fil-paġna 95, bejn in-nota ta’ spjega għas-subintestatura tan-NM “2103 90 30 Morr aromatiku ta’ saħħa alkoħolika bil-volum ta’ 44,2 sa 49,2 % vol li fih minn 1,5 sa 6 % tal-piż ġenzjan, ħwawar u ingredjenti varji u minn 4 sa 10 % zokkor, f’kontenituri li jesgħu 0,5 litru jew inqas” u n-noti ta’ spjega għas-subintestatura tan-NM “2104 Sopop u brodi u preparazzjonijiet tagħhom; preparazzjonijiet tal-ikel komposti omoġenizzati”, jiddaħħal it-test li ġej:

2103 90 90

Oħrajn

Din is-subintestatura tinkludi l-prodotti, li inkella jaqgħu taħt il-Kapitolu 22, ippreparati għal skopijiet kulinarji u li b’hekk ikunu saru mhux adattati għall-konsum bħala xorb.

Din is-subintestatura tinkludi b’mod partikolari “likuri għat-tisjir” li huma prodotti li fil-lingwaġġ ta’ kuljum jissejħu “inbejjed għat-tisjir”, “Port għat-tisjir”, “Cognac għat-tisjir” u “brandy għat-tisjir”. L-inbejjed għat-tisjir jikkonsistu minn inbid ordinarju jew minn inbid dealkoħolizzat, jew minn taħlita tat-tnejn, li magħhom ikun ġie miżjud il-melħ, jew kombinazzjoni ta’ diversi ħwawar (eż. melħ u bżar), li jagħmlu l-prodott mhux adattat għall-konsum bħala xarba. B’mod ġenerali, dawk il-prodotti fihom mill-inqas 5 g/l ta’ melħ.”


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(2)  ĠU C 76, 4.3.2015, p. 1.


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel

24.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 92/10


Sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għall-kariga ta’ membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel

(2017/C 92/05)

Huma mistiedna japplikaw dawk kollha interessati li jokkupaw il-karigi ta’ 7 minn 14-il membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel stabbilit bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1). L-Awtorità tinsab f’Parma, l-Italja.

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) hija l-element ċentrali tas-sistema tal-Unjoni Ewropea għall-valutazzjoni tar-riskju għas-sikurezza tal-ikel u l-għalf. L-Awtorità kienet stabbilita biex tipprovdi pariri u appoġġ xjentifiku għal-leġiżlazzjoni u għall-politiki tal-Unjoni fl-oqsma kollha li jista’ jkollhom impatt dirett jew indirett fuq is-sikurezza tal-ikel u l-għalf, kif ukoll dwar kwistjonijiet marbuta mill-qrib mal-qasam tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti. Din tipprovdi informazzjoni independenti dwar dawn il-kwistjonijiet u tiżgura l-komunikazzjoni dwar ir-riskji. Il-missjoni tagħha tinkludi wkoll l-għoti ta’ pariri xjentifiċi f’ħafna oqsma tal-liġi tal-ikel u l-għalf u kull meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni titlob dan, inklużi t-teknoloġiji l-ġodda tal-ikel bħall-organiżmi ġenetikament modifikati (l-OĠM). L-Awtorità hija rikonoxxuta sew bħala l-punt ta’ referenza bis-saħħa tal-indipendenza tagħha, il-kwalità xjentifika tal-opinjonijiet u l-informazzjoni pubblika tagħha, it-trasparenza tal-proċeduri tagħha u d-diliġenza fit-twettiq tal-kompiti tagħha. Minbarra li għandha l-persunal speċjalizzat tagħha, l-Awtorità hija appoġġata minn netwerks ta’ organizzazzjonijiet kompetenti fil-livell tal-UE.

Sfond legali

Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament imsemmi hawn fuq, “il-membri tal-Bord għandhom jinħatru b’dak il-mod li jiġu żgurati l-ogħla standards ta’ kompetenza, firxa wiesgħa ta’ ħila relevanti u, konsistenti ma’ dawn, l-akbar tqassim wiesa’ ġeografiku possibbli fl-Unjoni”. Barra minn hekk, erbgħa mill-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni “għandu jkollhom l-isfond tagħhom f’organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi u interessi oħra fil-katina tal-ikel”.

Barra dan il-premessa 40 tar-Regolament imsemmi hawn fuq tistipula li “Il-kooperazzjoni mal-Istati Membri hija wkoll indispensabbli” u l-premessa 41 tiddikjara li “il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jinħatar b’dak il-mod li jiżgura l-ogħla standard ta’ kompetenza, firxa wiesgħa ta’ kompetenza relevanti, pereżempju fl-immaniġġjar u l-amministrazzjoni pubblika, u tqassim ġeografiku l-aktar wiesa’ possibbli fl-Unjoni. Dan għandu jiġi ffaċilitat bir-rotazzjoni tal-pajjiżi differenti ta’ oriġini tal-membri tal-Bord Amministrattiv mingħajr ma xi post ikun riżervat għal xi ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku.”

Ir-rwol u l-operat tal-Bord tal-Amministrazzjoni

Ir-responsabbilitajiet tal-Bord tal-Amministrazzjoni jinkludu, b’mod partikolari:

il-monitoraġġ ġenerali tax-xogħol tal-Awtorità, biex jiġi żgurat li qed twettaq il-missjoni tagħha u l-ħidmiet mogħtija lilha skont il-mandat tagħha, fi spirtu ta’ indipendenza u trasparenza;

il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv abbażi ta’ lista ta’ kandidati stabbilita mill-Kummissjoni, u jekk ikun meħtieġ, ir-revoka ta’ din il-ħatra;

il-ħatra ta’ membri tal-Kumitat Xjentifiku u l-Bordijiet Xjentifiċi, li jkunu responsabbli biex jipprovdu l-opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità;

l-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali u pluriennali tal-Awtorità u r-rapport ġenerali dwar l-attivitajiet annwali;

l-adozzjoni tar-regoli interni u finanzjarji tal-Awtorità.

Il-Bord jaħdem permezz ta’ laqgħat pubbliċi, sessjonijiet privati u skambju ta’ korrispondenza. Id-dokumenti tal-EFSA, il-korrispondenza tal-Bord u s-seduti privati huma bl-Ingliż. Il-Bord jiltaqa’ bejn erba’ u sitt darbiet fis-sena, l-iktar f’Parma.

Kompożizzjoni tal-Bord tal-Amministrazzjoni

Il-Bord tal-Amministrazzjoni huwa magħmul minn 14-il membru u rappreżentant tal-Kummissjoni, kif stipulat fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 (2). Erbgħa mill-membri għandu jkollhom esperjenza f’organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-konsumaturi jew interessi oħra fil-katina alimentari. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/C 192/02 (3), il-mandat ta’ seba’ membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni attwali se jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2018. Il-mandat għas-seba’ membri l-oħra se jispiċċa fit-30 ta’ Ġunju 2020, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/C 223/08 (4).

Il-lista tal-membri attwali tal-Bord tinsab fis-sit web tal-EFSA https://www.efsa.europa.eu/en/people/mbmembers

Din il-pubblikazzjoni tikkonċerna l-applikazzjonijiet għall-karigi ta’ dawk is-seba’ membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni li l-mandat tagħhom jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2018.

Kwalifiki għall-kariga u kriterji tal-għażla

Il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jkollhom l-ogħla standards ta’ kompetenza, li jkopru firxa wiesgħa ta’ kompetenzi rilevanti u impenn biex jaħdmu b’mod indipendenti.

Biex jikkwalifikaw għall-kariga, il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-UE u jridu juru:

1.

li għandhom mill-anqas 15-il sena esperjenza f’wieħed jew aktar mill-ħames oqsma ta’ kompetenza elenkati hawn taħt, inkluż mill-anqas ħames snin f’livell għoli:

l-għoti ta’ parir xjentifiku indipendenti u appoġġ xjentifiku u tekniku għat-tħejjija tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma kollha li għandhom impatt dirett jew indirett fuq is-sikurezza tal-ikel u l-għalf;

l-immaniġġjar u l-amministrazzjoni pubblika (inklużi r-riżorsi umani, l-aspetti legali u finanzjarji);

l-iżvilupp ta’ politiki li jiżguraw l-integrità, l-indipendenza, it-trasparenza, il-prattiki etiċi u l-pariri ta’ kwalità xjentifika għolja filwaqt li tinżamm l-affidabbiltà mal-partijiet ikkonċernati;

il-komunikazzjoni u l-informazzjoni effettivi lill-pubbliku dwar ix-xogħol xjentifiku;

l-iżgurar tal-koerenza neċessarja bejn: il-valutazzjoni tar-riskju, l-immaniġġjar tar-riskju u l-funzjonijiet tal-komunikazzjoni tar-riskju;

2.

li għandhom mill-anqas ħames snin esperjenza miksuba minn xogħol b’konnessjoni mas-sikurezza tal-ikel u l-għalf, jew oqsma oħra relatati mal-missjoni tal-Awtorità, speċjalment fil-qasam tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, il-protezzjoni tal-ambjent, is-saħħa tal-pjanti u n-nutrizzjoni;

3.

il-kapaċità tagħhom li jaħdmu f’ambjent multilingwu, multikulturali u multidixxiplinarju;

4.

l-impenn tagħhom li jaġixxu b’mod indipendenti:

huma mistennija li josservaw l-ogħla standard ta’ mġiba etika, jaġixxu b’mod onest, indipendenti, imparzjali, b’diskrezzjoni u mingħajr interess personali, u jevitaw kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interess personali.

Il-kriterji li ġejjin se japplikaw għall-evalwazzjoni tal-kandidati, li se jiġu vvalutati abbażi ta’ eżami komparattiv tal-merti, u fuq l-impenn tagħhom li jaġixxu b’mod indipendenti:

kompetenza u kapaċità li jikkontribwixxu b’mod effettiv għal wieħed jew aktar mill-oqsma ta’ kompetenza msemmija hawn fuq;

kompetenza fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u l-għalf, jew f’oqsma oħra relatati mal-missjoni tal-Awtorità;

kapaċità li jaħdmu f’ambjent multilingwu, multikulturali u multidixxiplinarju.

Il-lista qasira ta’ kandidati se tkun eżaminata wkoll fid-dawl tar-rekwiżiti li ġejjin għall-kompożizzjoni tal-Bord:

kompetenza kollettiva tal-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni bbilanċjata b’mod tajjeb;

distribuzzjoni ġeografika wiesgħa bl-aktar mod possibbli bbażata fuq ir-rotazzjoni tan-nazzjonalitajiet differenti tal-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni.

L-applikanti jridu jimlew formola ta’ applikazzjoni onlajn u formola ta’ dikjarazzjoni ta’ interess li tinkludi impenji speċifiċi u dikjarazzjonijiet fuq l-unur tagħhom. Ladarba jinħatru mill-Kunsill, iridu jagħmlu dikjarazzjoni ta’ interess annwali bil-miktub u jiddikjaraw f’kull laqgħa tal-Bord tal-Amministrazzjoni kull interess li jista’ jitqies ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom rigward is-suġġetti fuq l-aġenda.

L-għan tal-formola tad-Dikjarazzjoni ta’ Interess hu li turi l-kapaċità tal-kandidat li jeżerċita l-funzjoni ta’ membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-EFSA skont ir-regoli interni tal-EFSA dwar l-indipendenza (http://www.efsa.europa.eu/en/values/independence.htm) u l-Kodiċi tal-Kondotta tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-EFSA (il-Kodiċi tal-Kondotta tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-EFSA). Dawn ir-regoli jistipulaw li l-membri tal-Bord ma għandhom ikunu involuti fl-ebda attività li tista’ tirriżulta f’kunflitt ta’ interess jew li x’aktarx tipprovoka l-perċezzjoni ta’ kunflitt ta’ interess fost il-pubbliku ġenerali.

Se tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari ta’ kandidat li japplika bħala membru li jkun ġej minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi jew interessi oħra fil-katina alimentari. Ara t-taqsima hawn taħt intitolata: “Il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni li ġejjin minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi jew interessi oħra fil-katina alimentari”.

Parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Bord/Rimborż u indennizzi

Jeħtieġ li l-membri jimpenjaw ruħhom sew biex jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tal-Amministrazzjoni. Huma mistiedna li, fil-formola tal-applikazzjoni, jindikaw id-disponibbilità tagħhom li jieħdu sehem attiv fil-Bord tal-Amministrazzjoni. Huwa stmat li l-Bord tal-Amministrazzjoni jiltaqa’ bejn erba’ u sitt darbiet fis-sena. Il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni ma jitħallsux ta’ xogħolhom. Madankollu, jingħataw rimborż tal-ispejjeż ordinarji tal-ivvjaġġar u huma intitolati għal gratifika għal kull jum. L-ispejjeż tal-akkomodazzjoni jitħallsu direttament mill-EFSA. Se jirċievu wkoll indennizzi talli jattendu l-laqgħa skont l-Artikolu 3 tar-Regoli dwar ir-Rimborż li jiddikjaraw li: “L-indennizz speċjali għandu jkun ta’ EUR 385 għal kull ġurnata sħiħa tal-laqgħa li jattendu. Għal laqgħa ta’ nofs ġurnata jew l-attendenza ta’ nofs ġurnata se jitħallas biss nofs l-indennizz.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni li ġejjin minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi jew interessi oħra fil-katina alimentari

Il-kandidati huma mitluba li fl-applikazzjoni tagħhom jindikaw u jiġġustifikaw jekk jixtiqux jiġu kkunsidrati bħala membru wieħed mill-erba’ Membri tal-Bord li jkollhom esperjenza f’organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-konsumaturi jew interessi oħra fil-katina alimentari. Il-ġustifikazzjoni għandha tinkludi dettalji tal-esperjenza tagħhom f’organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-konsumaturi jew interessi oħra fil-katina alimentari.

Ħatra u mandat tal-kariga

Minbarra r-rappreżentant tal-Kummissjoni, li jinħatar mill-Kummissjoni stess, il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni jintgħażlu mill-Kunsill, f’konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mil-lista stabbilita mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess. Il-mandat għandu jkun ta’ erba’ snin u jista’ jiġġedded darba. L-applikanti għandhom jinnotaw li l-lista tal-Kummissjoni se tkun disponibbli għall-pubbliku u li għandhom id-dritt li joġġezzjonaw għall-pubblikazzjoni ta’ isimhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz indikat fid-dikjarazzjoni tal-privatezza speċifika għal din is-sejħa (ara t-taqsima hawn taħt bit-titolu “Protezzjoni tad-dejta personali”). L-eżerċitar ta’ dan id-dritt mhux se jippreġudika l-applikazzjoni tal-kandidat. L-individwi li ma jinħatrux, minkejja li isimhom jidher fil-lista tal-Kummissjoni, jistgħu jiġu mistiedna jitniżżlu f’lista ta’ riżervi biex tintuża fil-każ li jkun hemm bżonn li jiġu ssostitwiti xi membri li ma jkunux jistgħu jtemmu l-mandat tagħhom.

Opportunitajiet Indaqs

Se tingħata attenzjoni kbira biex tiġi evitata kull xorta ta’ diskriminazzjoni u jitħeġġu l-applikazzjonijiet min-nisa.

Proċedura tal-applikazzjoni u Data tal-għeluq

L-applikazzjonijiet għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti hawn taħt; inkella ma jitqisux:

(1)

Il-persuni interessati huma mħeġġa japplikaw permezz tas-sistema onlajn billi jmorru fis-sit web: https://ec.europa.eu/food/efsa/management-board_en

Mal-applikazzjoni onlajn għandhom jinhemżu żewġ dokumenti:

(a)

il-formola tad-dikjarazzjoni ta’ interess b’firma bil-miktub, li tista’ tinkiseb minn dan l-indirizz: https://ec.europa.eu/food/efsa/management-board_en

(b)

CV b’tul minimu ta’ paġna u nofs u b’massimu ta’ 3 paġni.

(2)

Wara s-sottomissjoni b’suċċess tal-applikazzjoni onlajn, is-sistema onlajn se tiġġenera numru ta’ reġistrazzjoni. Madankollu, jekk ma jiġi ġġenerat l-ebda numru ta’ reġistrazzjoni, l-applikazzjoni ma tkunx ġiet irreġistrata.

F’każ ta’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat messaġġ fuq l-indirzz elettroniku sante-call-management-board-efsa@ec.europa.eu Mhuwiex possibbli li jiġi mmonitorjat il-progress tal-applikazzjoni onlajn.

(3)

Il-formola tal-applikazzjoni, il-formola tad-dikjarazzjoni ta’ interess, is-CV, u kull dokument ta’ sostenn għandhom jinkitbu b’lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, ikun apprezzat, mingħajr ma jkun obbligatorju, jekk ikun ipprovdut sommarju tal-esperjenza u informazzjoni oħra pertinenti bl-Ingliż sabiex tiġi ffaċilitata l-proċedura tal-għażla. L-applikazzjonijiet kollha se jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali. Id-dokumenti ta’ sostenn għandhom jintbagħtu aktar tard, jekk jintalbu.

(4)

Jekk tixtieq tissottometti l-applikazzjoni tiegħek f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li mhijiex l-Ingliż, tista’ timla l-applikazzjoni f’dik il-lingwa jew tikkuntattja lis-segretarjat bil-posta elettronika fl-indirizz sante-call-management-board-efsa@ec.europa.eu u titlob formola tal-applikazzjoni f’lingwa partikolari. Imbagħad tirċievi formola tal-applikazzjoni f’format Word.

(5)

L-espressjonijiet kollha ta’ interess se jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali.

(6)

L-iskadenza finali għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet hija d-19 ta’ Mejju 2017, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

(7)

L-applikazzjoni trid timtela u l-iskadenza trid tiġi rispettata. Nissuġġerixxu lill-applikanti biex ma jħallux għall-aħħar biex japplikaw, peress li jekk ikun hemm xi ħsara fil-konnessjoni tal-Internet tista’ tintilef l-opportunità tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni qabel l-iskadenza. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, mhux se jiġu aċċettati applikazzjonijiet.

(8)

Se jiġu aċċettati l-applikazzjonijiet mibgħuta bil-posta elettronika u li jirrispettaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (3). Bħala regola ġenerali mhux se jiġu aċċettati applikazzjonijiet li jintbagħtu bil-posta, bil-faks jew li jitwasslu bl-idejn u lanqas l-applikazzjonijiet li jintbagħtu direttament lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

(9)

Bl-applikazzjoni tagħhom, l-applikanti jkunu qegħdin jaċċettaw il-proċeduri u l-kundizzjonijiet kif deskritti f’din is-sejħa u fid-dokumenti li tirreferi għalihom. Meta jimlew l-applikazzjonijiet tagħhom, l-applikanti ma jistgħu, taħt l-ebda ċirkostanza, jirreferu għal dokumenti sottomessi f’applikazzjonijiet preċedenti (pereżempju: ma jiġux aċċettati fotokopji ta’ applikazzjonijiet preċedenti). Kull dikjarazzjoni falza li ssir fl-għoti tal-informazzjoni mitluba tista’ twassal għall-esklużjoni tal-applikant minn din is-sejħa.

(10)

Il-kandidati kollha li japplikaw għal din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess jiġu infurmati bir-riżultat tal-proċess tal-għażla.

Il-protezzjoni tad-dejta personali

Il-Kummissjoni se tiżgura li d-dejta personali tal-kandidati tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (5). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ din id-dejta. Għal aktar informazzjoni dettaljata dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, l-iskopijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom fil-kuntest ta’ din is-sejħa, il-kandidati huma mistiedna jikkonsultaw id-dikjarazzjoni speċifika tal-privatezza ppubblikata fis-sit web ta’ din is-sejħa f’dan l-indirizz https://ec.europa.eu/food/efsa/management-board_en


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 13.

(3)  ĠU C 192, 21.6.2014, p. 2.

(4)  ĠU C 223, 21.6.2016, p. 7.

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

24.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 92/14


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2017/C 92/06)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“THYM DE PROVENCE”

Nru tal-UE: FR-PGI-0005-01364 — 18.9.2015

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem/Ismijiet

“Thym de Provence”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.8. Prodotti oħrajn tal-Anness I tat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem f’(1)

It-“Thym de Provence” huwa pjanta aromatika tal-ispeċi Thymus vulgaris L., tal-familja tal-Labiatae. Din hija arbuxxell minn 10 sa 30 cm, aromatiku, bil-friegħi, bi zkuk tal-injam minn taħt, miġbura normalment fi trofof jew f’arbuxxelli żgħar folti ħafna.

Il-weraq dejjem iħaddru, griżi jew ħodor skont l-istaġun, kif ukoll iz-zkuk żgħar u l-buttuni, għandhom fuqhom glandoli mimlija b’żejt essenzjali. Dan iż-żejt essenzjali huwa tat-tip fenoliku, u l-maġġoranza tal-komposti tiegħu huma l-karvakrol (b’minimu ta’ 15 %), it-timol, kif ukoll il-paraċimen (il-prekursur tagħhom).

It-“Thym de Provence” huwa pjanta perenni li tiġi kkultivata fuq il-post jew maħsuda fuq roqgħa approvata fil-ħabitat naturali.

It-“Thym de Provence” ġej mill-varjetajiet li ġejjin: VP 83 (sagħtar tal-popolazzjoni), varjetà Carvalia, varjetà Thymlia.

Il-lista tal-varjetajiet awtorizzati tista’ tiġi riveduta fuq il-bażi ta’ protokoll ta’ reviżjoni li jimmira li jiggarantixxi r-rispett tal-karatteristiċi li ġejjin:

profil tal-fenol (rati ta’ karvakrol + timol + paraċimen > 50 %),

rati ta’ karvakrol ta’ 15 % jew aktar,

qagħda tal-pjanta dritta u tal-injam.

Din il-lista tal-varjetajiet tiġi ċċirkolata lill-produtturi wara kull emenda, kif ukoll tintbagħat lill-korp ta’ spezzjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ spezzjoni.

It-“Thym de Provence” jiġi ppreżentat bħala weraq, niexfa jew iffriżati, jew bħala friegħi friski jew niexfa. Dawn il-friegħi jistgħu jinbiegħu sfużi jew f’bukkett.

Dan għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

għall-forom kollha ta’ preżentazzjoni, kontenut minimu ta’ karvakrol ta’ 15 % li jinsab fiż-żejt essenzjali,

u barra minn hekk, skont il-forom ta’ preżentazzjoni:

għall-friegħi friski: tul massimu ta’ zokk ta’ 16 cm,

għall-friegħi nexfin: tul massimu ta’ zokk ta’ 16 cm u rata massima ta’ umdità ta’ 12 %,

għall-weraq niexfa: rata massima ta’ umdità ta’ 12 %, rata massima ta’ zkuk ta’ 4 %, u rata massima ta’ materjal fin ta’ 2 %,

għall-weraq iffriżati: rata massima ta’ zkuk ta’ 4 % u rata massima ta’ materjal fin ta’ 2 %.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-operazzjonijiet li għandhom isiru fiż-żona ġeografika huma l-operazzjonijiet ta’ ħsad, ta’ pproċessar (tnixxif/dris, issortjar, iffriżar) u ta’ tqegħid f’bukkett.

3.5.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ., tal-prodott li d-denominazzjoni tirreferi għalih

3.6.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar tal-prodott li d-denominazzjoni tirreferi għalih

It-tikketti mqiegħda fuq l-unitajiet tal-konsum “Thym de Provence” għandhom isemmu, minbarra l-indikazzjonijiet obbligatorji li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, id-DDM (data ta’ durabilità minima) kif ukoll daħla li tinkludi l-isem u l-indirizz tal-korp ta’ ċertifikazzjoni li qabilha jkun hemm “ċertifikat minn”.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Id-Dipartiment ta’ Vaucluse: il-muniċipalitajiet kollha.

Dipartiment ta’ Bouches du Rhône:

cantons sħaħ: Aix-en-Provence (1 u 2), Allauch, Aubagne, Berre-l’Étang, Châteaurenard, Ciotat, Gardanne, Marignane, Marseille (1 sa 10), Martigues, Pélissanne, Salon-de-Provence (1 u 2), Trets, Vitrolles,

il-canton ta’ Istres minbarra l-muniċipalità ta’ Fos-sur-Mer,

Id-Dipartiment ta’ Gard:

cantons sħaħ: Bagnols-sur-Cèze, Pont-Saint-Esprit, Redessan, Roquemaure, Uzès, Villeneuve-lès-Avignon,

il-canton ta’ Alès-2: il-muniċipalitajiet ta’ Belvézet, Bouquet, Fons-sur-Lussan, Lussan, Seynes, Vallérargues,

il-canton ta’ Alès-3: il-muniċipalità ta’ Castelnau-Valence,

il-canton ta’ Beaucaire minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Bellegarde, Fourques,

il-canton ta’ Marguerittes: il-muniċipalitajiet ta’ Manduel, Marguerittes, Poulx,

il-canton ta’ Rousson: il-muniċipalitajiet ta’ Barjac, Méjannes-le-Clap, Saint-Jean-de-Maruéjols-et-Avéjan, Saint-Privat-de-Champclos, Tharaux.

Id-Dipartiment ta’ Alpes de Haute Provence:

cantons sħaħ: Château-Arnoux-Saint-Auban, Forcalquier, Manosque (1 sa 3), Oraison, Reillanne, Valensole,

il-canton ta’ Digne-les-Bains-2 minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Champtercier, Digne-les-Bains,

il-canton ta’ Sisteron minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Authon, Saint-Geniez,

il-canton ta’ Riez: il-muniċipalitajiet ta’ Bras-d’Asse, Le Castellet, Le Chaffaut-Saint-Jurson, Entrevennes, Estoublon, Mézel, Moustiers-Sainte-Marie, Puimichel, Puimoisson, Riez, Roumoules, Saint-Jeannet, Saint-Julien-d’Asse, Saint-Jurs,

il-canton ta’ Seyne: il-muniċipalitajiet ta’ Claret, Melve, Sigoyer, Thèze, Valernes, Vaumeilh.

Id-Dipartiment ta’ Ardèche:

il-canton sħiħ ta’ Bourg-Saint-Andéol,

il-canton ta’ Pouzin: il-muniċipalità ta’ Rochemaure,

il-canton ta’ Teil: il-muniċipalitajiet ta’ Alba-la-Romaine, Aubignas, Saint-Andéol-de-Berg, Saint-Maurice-d’Ibie, Saint-Thomé, Le Teil, Valvignères,

il-canton ta’ Vallon-Pont-d’Arc: il-muniċipalitajiet ta’ Labastide-de-Virac, Orgnac-l’Aven, Saint-Remèze.

Id-Dipartiment ta’ Var:

cantons sħaħ: Brignoles, Draguignan, Garde, Garéoult, Hyères, Ollioules, Saint-Cyr-sur-Mer, Saint-Maximin-la-Sainte-Baume, Seyne-sur-Mer (1 u 2), Solliès-Pont, Toulon (1 sa 4),

il-canton ta’ La Crau: il-muniċipalitajiet ta’ Hyères, La Crau,

il-canton ta’ Flayosc minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Bargème, Bargemon, Brenon, Châteauvieux, Claviers, Comps-sur-Artuby, La Bastide, Le Bourguet, La Martre, La Roque-Esclapon, Trigance,

il-canton ta’ Luc minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Collobrières, La Garde-Freinet,

il-canton ta’ Vidauban minbarra l-muniċipalità: Le Muy.

Id-Dipartiment ta’ Hautes Alpes:

il-canton sħiħ ta’ Laragne-Montéglin,

il-canton ta’ Serres: il-muniċipalitajiet ta’ Le Bersac, Bruis, Chanousse, L’Épine, Étoile-Saint-Cyrice, Eyguians, Lagrand, Méreuil, Montclus, Montjay, Montmorin, Montrond, Moydans, Nossage-et-Bénévent, Orpierre, Ribeyret, Rosans, Saint-André-de-Rosans, Sainte-Colombe, Sainte-Marie, Saint-Genis, Saléon, Savournon, Serres, Sorbiers, Trescléoux.

Id-Dipartiment ta’ Drôme:

cantons sħaħ: Grignan, Tricastin, Montélimar-2,

il-canton ta’ Dieulefit minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Bézaudun-sur-Bîne, Bourdeaux, Bouvières, Comps, Crupies, Félines-sur-Rimandoule, Francillon-sur-Roubion, Mornans, Le Poët-Célard, Les Tonils, Orcinas, Rochebaudin, Saou, Soyans, Truinas,

il-canton ta’ Nyons u Baronnies minbarra l-muniċipalità ta’ Chaudebonne,

il-canton ta’ Diois: il-muniċipalitajiet ta’ La Motte-Chalancon, Rottier,

il-canton ta’ Montélimar-1: il-muniċipalitajiet ta’ Ancône, Montélimar, Savasse.

5.   Rabta mal-oriġini

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika ta’ “Thym de Provence” hija parti minn territorju normalment iddeżinjata bħala Provence u tinsab fix-Xlokk ta’ Franza.

It-tipi ta’ ħamrija l-aktar frekwenti huma ħamrija taflija bil-ġir ta’ kumpattezza differenti. Huma jippermettu li x-xita tgħaddi jew tnixxi u tisparixxi faċilment. Spiss ħafna jkun fihom il-ġebel. Dawn l-ambjenti miftuħa, taflija, niexfa u xemxija, imsemmija “garrigues” huma tipiċi ta’ Provence.

Iż-żona ġeografika hija karatterizzata wkoll minn klima Mediterranja, immarkata bi sjuf sħan u niexfa, u xtiewi moderati. Il-perjodi ta’ xemx huma sinifikanti u twal, b’riħ mit-Tramuntana/mill-Majjistral kultant frekwenti u jdum li għandu rata baxxa ta’ umdità. Ix-xtiewi ta’ Provence huma kkaratterizzati b’perjodi rari ta’ silġ ġeneralment qosra, u mhux qawwija ħafna.

Iż-żona ġeografika hija karatterizzata finalment minn densità qawwija ta’ tkabbir spontanju ta’ sagħtar tal-fenol, li jinkludi proporzjon notevoli ta’ karvakrol, li jikkostitwixxi popolazzjonijiet kważi puri, li jikbru fi rqajja' bejn wieħed u ieħor tondi.

B’riżultat ta’ tradizzjoni twila ta’ ħsad tas-sagħtar salvaġġ, li għadha pprattikata s’issa, u ta’ proċessi antiki ta’ tnixxif, issortjar, jew ġbir f’bukketti tas-sagħtar, il-produtturi taż-żona ġeografika żviluppaw għarfien speċifiku.

Il-produtturi tat-“Thym de Provence” żguraw li s-sagħtar tal-popolazzjoni li jikber spontanjament fl-istat naturali fiż-żona, jiġi riprodott permezz ta’ selezzjoni varjetali ta’ sagħtar tal-fenol, li ż-żejt essenzjali tiegħu fih aktar minn 15 % ta’ karvakrol.

Barra minn hekk, għar-roqgħat ikkultivati, il-produtturi jillimitaw il-provvisti tal-ilma sabiex b’hekk jiżguraw mezz ta’ produzzjoni li jkun simili għall-kundizzjonijiet naturali.

L-użu tar-roqgħat ikkultivati huwa limitat għaliex wara ċertu età tas-sagħtar, iz-zkuk jiħxienu wisq u l-proporzjon tal-weraq meta mqabbel mal-piż tal-injam (zkuk ħoxnin) isir insuffiċjenti. Fir-rigward tas-sagħtar fl-istat salvaġġ, il-persuni li jaħsdu jevalwaw bl-għarfien tagħhom id-daqs tal-pjanti li jistgħu jinħasdu, sabiex jiġi garantit l-istess riżultat.

Barra minn hekk, il-produtturi jagħtu l-attenzjoni kollha tagħha lill-istadju ottimali ta’ ħsad, kif ukoll għall-ħżin ventilat tas-sagħtar, qabel l-ipproċessar jew it-tnixxif, li jiddependi fuq il-klima niexfa taż-żona ġeografika.

Fir-rigward tal-ipproċessar, l-għarfien tal-operaturi jinsab partikolarment fl-implimentazzjoni rapida tal-ipproċesar wara l-ħsad (it-tnixxif għall-weraq niexfa tas-sagħtar u l-iffriżar għall-preżentazzjoni ffriżata).

It-tnixxif huwa wkoll fażi importanti li jservi biex tiġi kkontrollata r-rata ta’ umdità u li wara tippermetti l-immaniġġjar tal-prodott mingħajr ir-riskju li jiġi degradat: mhux niexef biżżejjed, it-“Thym de Provence” ma jkunx jista’ jinżabar b’mod korrett (iz-zkuk ma jinqalgħux mill-weraq), u jekk ikun niexef wisq, jistgħu jinħolqu wisq xquq fiz-zkuk matul id-dris. Il-fażi tat-tnixxif issir filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet klimatiċi esterni, u taffettwa d-dehra tal-prodott u ż-żamma tiegħu maż-żmien. Hija marbuta ma’ għarfien reali kif ukoll mat-tħaddim ta’ magni speċifiċi ħafna (evalwazzjoni viżiva tal-prodott frisk, proċess ta’ ssortjar speċifiku skont il-lott…).

Ix-xogħol ta’ tqegħid f’bukketti jeħtieġ ukoll għarfien partikolari tal-produtturi, li jikkunsidraw il-livell ta’ umdità tal-prodott tagħhom sabiex jiġi limitat it-telf tal-weraq u d-degradazzjonijiet kwalitattivi. Dan l-għarfien joffri l-bażijiet neċessarji għall-kisba tal-prodott finali mistenni.

L-operaturi ta’ Provence jimplimentaw, permezz tat-tagħmir speċifiku tagħhom u l-esperjenza tagħhom, metodi ta’ ssortjar partikolarment effikaċi u rigorużi. L-għarfien tagħhom tal-prodott jippermettilhom li jiddeterminaw l-għodod neċessarji li jiggarantixxu ssortjar ottimali tas-sagħtar, billi jeliminaw bl-aktar mod possibbli l-partikoli mhux mixtieqa.

Speċifiċità tal-prodott

It-“Thym de Provence” huwa karatterizzat minn aroma u togħma qawwija karatteristiċi: jaħraq u pikkanti.

Dan jiddistingwi ruħu minn tipi oħra ta’ sagħtar li huma prinċipalment “ħelwin” jew sagħtar tal-ġonna tal-kimotip timol pur u b’qawwa aromatika iktar baxxa, kif ukoll, f’livell inqas, sagħtar biċ-ċineol (Thymus mastichina L. cineolifera).

Il-karatteristiċi l-oħra tat-“Thym de Provence” huma: l-indafa, l-omoġeneità tal-weraq, in-nuqqas kważi totali ta’ impuritajiet (għall-weraq tas-sagħtar).

Meta mibjugħ f’bukketti, dawn għandhom ikunu regolari, iffurmati sew u b’ammont tajjeb ta’ weraq.

Dawn l-ispeċifiċitajiet jagħtu lit-“Thym de Provence” reputazzjoni tajba ħafna.

Rabta kawżali

Il-karatteristiċi tal-ħamrija li tħalli l-ilma jgħaddi fiż-żona ġeografika, flimkien maċ-ċiklu tat-temperaturi, jiffavorixxu t-tkabbir spontanju tat-“Thym de Provence” u l-kultivazzjoni tiegħu. Sabiex jikber f’kundizzjonijiet tajba u jiżviluppa l-qawwa aromatika tiegħu, it-“Thym de Provence” jeħtieġ is-sħana u x-xemx offruti mill-klima preżenti fiż-żona ġeografika.

Il-varjetajiet tradizzjonalment magħżula, speċifiċi għal dan il-klima, jiffavorixxu s-sekrezzjoni ta’ żejt essenzjali tipiku ħafna, b’kontenut għoli ta’ karvakrol, li jenfasizza l-aromi jaħarqu u pikkanti, karatteristiċi tat-“Thym de Provence”. Il-preżenza sinifikanti tal-karvakrol fiż-żejt essenzjali tal-weraq huwa karatteristika sekondarja tal-adattament tal-pjanta għall-ambjent tagħha, karatterizzat partikolarment minn nixfa qawwija fis-sajf.

L-irrigazzjoni kkontrollata tippermetti li jiġi limitat it-tlugħ tal-ħaxix (effett fuq l-indafa tal-prodott finali) u li jinżammu l-kundizzjonijiet ta’ umdità baxxa kemm jista’ jkun qrib il-kundizzjonijiet naturali.

Il-ħsad li jsir fl-istadju ottimali mill-produtturi għandu effett fuq l-aħjar espressjoni tal-aromi, iżda wkoll fuq l-indafa tat-“Thym de Provence”.

Il-prattiki ta’ tnixxif jew l-iffriżar rapidu wara l-ħsad, kif ukoll il-ħżin ventilat, jiggarantixxu l-kisba ta’ sagħtar b’kulur omoġenju, u jikkontribwixxu għall-iffissar tal-aromi. Dawn l-istadji kruċjali jibbenefikaw mill-esperjenza tal-operaturi fil-qasam u partikolarment il-kapaċità rapida li jevalwaw b’mod viżiv il-kwalità tal-prodott li jkun għadu kif inħasad.

L-indafa tat-“Thym de Provence” tiġi garantita mill-għarfien marbut mal-istadji ta’ żabra u ssortjar, li għandhom rwol importanti fl-eliminazzjoni tal-eħxen parti taz-zkuk, u l-limitazzjoni tax-xquq.

It-“Thym de Provence” f’bukketti regolari, iffurmati sew u b’ħafna weraq, jibbenefika mill-għarfien li huwa espress mill-eliminazzjoni taz-zkuk ħoxnin, u l-evalwazzjoni tal-umdità, flimkien mal-għażla tal-aħjar mument biex issir din l-operazzjoni.

Il-preżenza tas-sagħtar fi Provence, u l-karatteristiċi tal-aroma u tat-togħma tat-“Thym de Provence” huma spiss imsemmija fil-letteratura. Minn Plinju x-Xiħ fis-Seklu I sa awturi kontemporanji bħal, pereżempju, Marcel Pagnol (Les Bucoliques, Grasset, 1958). It-“Thym de Provence” huwa pilastru tal-wirt gastronomiku ta’ Provence kummerċjalizzat b’mod estiż taħt forom diversi.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDC-IGP-ThymdeProvence.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.