ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 450

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
2 ta' Diċembru 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 450/01

Avviż tal-Kummissjoni — Gwida dwar l-għoti ta' kuntratti bejn il-gvernijiet fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà (l-Artikolu 13(f) tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

1

2016/C 450/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8109 — FIH Mobile/Feature Phone Business of Microsoft Mobile) ( 1 )

6

2016/C 450/03

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8183 — Avnet/Premier Farnell) ( 1 )

6

2016/C 450/04

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7792 — Konecranes/Terex MHPS) ( 1 )

7

2016/C 450/05

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8241 — Nordic Capital/Nordnet/Group of individual investors) ( 1 )

7


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 450/06

Ir-rata tal-interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament: 0,00 % fl-1 ta’ Diċembru 2016 — Rata tal-kambju tal-euro

8

2016/C 450/07

Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2015 dwar abbozz ta’ deċiżjoni relatat mal-Każ M.7630 — FedEx/TNT Express — Relatur: Is-Slovenja

9

2016/C 450/08

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — FedEx/TNT Express (Il-Każ M.7630)

10

2016/C 450/09

Sommarju ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Jannar 2016 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ M.7630 — FedEx/TNT Express) (innotifikat skont id-dokument C(2015) 9826)  ( 1 )

12


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 450/10

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8233 — Rockaway E-Commerce/EC Investments/Bonak/Sully Systems) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

22


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

2.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 450/1


AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Gwida dwar l-għoti ta' kuntratti bejn il-gvernijiet fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà (l-Artikolu 13(f) tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

(2016/C 450/01)

1.   Introduzzjoni

Il-bejgħ bejn il-gvernijiet (“Government-to-Government, G2G”) huwa metodu li jippermetti lill-gvernijiet jakkwistaw mingħand gvernijiet oħra tagħmir, servizzi u xogħlijiet fil-qasam tad-difiża. Il-gvern li qed jixtri ma jinnegozjax direttament mal-kuntrattur li jaħdem fil-qasam tad-difiża; minflok, il-bejgħ isir mill-gvern l-ieħor, jew billi joffri mill-ħażniet tiegħu stess jew wara li huwa stess ikun akkwista t-tagħmir għal dak il-għan. Il-G2G ta’ spiss jinkludi l-appoġġ għall-prodott, il-manutenzjoni tiegħu, it-taħriġ dwaru u l-bini tal-infrastruttura, iżda mhux limitat għal dawn biss.

It-tranżazzjonijiet tal-G2G jirrappreżentaw parti mhux negliġibbli mis-suq tad-difiża fl-UE. Bejn l-2005 u l-2012, il-valur tax-xirjiet marbutin mal-qasam tad-difiża magħmulin minn Stat Membru mingħand gvern ieħor kien ta’ madwar EUR 22,8 biljun (9 %) tat-total tal-infiq tal-UE fuq it-tagħmir ta’ difiża.

Il-gvernijiet jistgħu jiddeċiedu li jixtru tagħmir jew servizzi militari mingħand gvern ieħor għal diversi raġunijiet. F’ħafna każijiet, il-G2G joffri lill-“Istati Membri li qed ibigħu” l-opportunità li jiddisponu minn tagħmir żejjed, u lill-“Istati Membri akkwirenti” li jixtru kapaċitajiet fil-qasam tad-difiża bi prezzijiet affordabbli. Għalhekk, dan jista’ jkun għodda utli sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-limitazzjonijiet baġitarji u tar-ristrutturar tal-forzi armati. F’ċerti ċirkostanzi, il-bejgħ bejn il-gvernijiet jista’ jkun ukoll l-aktar għażla adatta ta’ akkwist, jew saħansitra l-unika waħda, biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti speċifiċi tal-kapaċitajiet militari li huma meħtieġa sabiex tkun żgurata l-interoperabbiltà jew il-“vantaġġ operazzjonali” tal-Forzi Armati tal-Istati Membri. Dan it-tip ta’ xiri jista’ jkun ukoll mezz rapidu kif jintlaħqu rekwiżiti operazzjonali urġenti.

Il-G2G jista’ jintuża wkoll bħala għodda għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta Stat Membru jixtri, b’konformità mad-Direttiva, tagħmir jew servizzi f’isem l-Istati Membri kollha li jkunu qed jikkooperaw u sussegwentement jittrasferixxi partijiet minn dan it-tagħmir u minn dawn is-servizzi lill-gvernijiet l-oħra. It-taqsimiet 3 sa 7 ta’ din il-Komunikazzjoni ma jkoprux, f’dawn is-sitwazzjonijiet, il-kuntratti mogħtija għal trasferimenti bħal dawn.

It-tranżazzjonijiet tal-G2G jistgħu jieħdu diversi forom u jirrigwardaw diversi tipi ta’ tagħmir u ta’ servizzi. Ir-rwol tal-industrija u l-benefiċċju li hi tikseb minn dan it-tip ta’ bejgħ ivarjaw b’mod konsiderevoli u, skont id-daqs u s-suġġett tal-kuntratt, dan il-bejgħ jista’ jkollu impatt importanti fuq is-suq. Jekk ma jiġux investigati l-għażliet kollha tal-akkwist u jekk ma tiġix iġġustifikata l-istrateġija tal-akkwist qabel l-għoti tal-kuntratt bejn il-gvernijiet, dan jista’ jimplika diskriminazzjoni kontra operatur ekonomiku wieħed jew aktar fl-UE, f’xi każijiet jista’ jkun ir-riżultat ta’ evitar tar-regoli applikabbli, u jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

Fil-Komunikazzjoni msejħa “Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti” (1) ta’ Lulju tal-2013, il-Kummissjoni stqarret li l-esklużjonijiet speċifiċi li jinsabu fid-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)“jistgħu jkunu interpretati b’mod li jimminaw l-użu korrett tad-Direttiva. Dan jista’ jipperikola l-kundizzjonijiet ugwali fis-suq intern. Il-Kummissjoni għaldaqstant sejra tassigura li dawn l-esklużjonijiet ikunu interpretati strettament u li ma jsirx abbuż minnhom biex wieħed jaħrab mid-Direttiva”. Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tipprovdi, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, gwida dwar dawn l-esklużjonijiet, billi tibda bi gwida dwar il-kuntratti mogħtija minn gvern lil gvern ieħor (3).

L-għan ta’ dan l-Avviż huwa li jipprovdi gwida billi jistabbilixxi prattiki tajba tal-akkwist biex tiġi applikata din l-esklużjoni, speċjalment bil-ħsieb li jitnaqqsu r-riskji ta’ ksur tal-liġi tal-UE. Dan l-Avviż ma jistabbilixxix obbligi jew prekundizzjonijiet addizzjonali għall-użu ta’ din l-esklużjoni minbarra dawk previsti fil-liġijiet eżistenti tal-UE. Huwa mhuwiex legalment vinkolanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”) biss hija kompetenti biex tagħti interpretazzjoni legalment vinkolanti tal-liġi tal-UE.

2.   Il-qafas legali

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/81/KE (“id-Direttiva”), il-kuntratti fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà jridu jingħataw skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 13(f) tad-Direttiva jipprevedi l-esklużjoni ta’ kuntratti mogħtija minn gvern lil gvern ieħor dwar (i) il-provvista ta’ tagħmir militari jew tagħmir sensittiv, (ii) xogħlijiet u servizzi direttament marbuta ma’ dan it-tagħmir, jew (iii) xogħlijiet u servizzi speċifikament għal skopijiet militari, jew xogħlijiet sensittivi u servizzi sensittivi.

Il-premessa 1, li tgħid li “s-sigurtà nazzjonali għadha r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru, kemm fil-qasam tad-difiża u kif ukoll f’dak tas-sigurtà”, hija rilevanti fir-rigward ta’ din l-esklużjoni billi s-sigurtà nazzjonali tista’ tkun ir-raġuni għala l-Istati Membri jagħżlu li jipprevedu l-akkwist permezz tal-G2G.

Il-premessa 30 tad-Direttiva tgħid li “meta titqies l-ispeċifiċità tas-settur tad-difiża u s-sigurtà, ix-xiri ta’ tagħmir kif ukoll ta’ xogħlijiet u ta’ servizzi minn gvern mingħand gvern ieħor għandu jiġi eskluż mill-ambitu ta’ din id-Direttiva”. Il-punt safejn l-akkwist marbut mal-qasam tad-difiża u tas-sigurtà jiġi influwenzat mis-sigurtà nazzjonali, li jista’ pereżempju, ikun xprunat mill-ħtieġa għal interoperabbiltà mal-alleati, huwa karatteristika distintiva ta’ dan is-settur.

Skont l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva, “‘Il-Gvern’ tfisser il-gvern statali, reġjonali jew lokali ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz”. Dan ifisser li l-kuntratti konklużi minn awtoritajiet/entitajiet kontraenti oħrajn, bħal korpi rregolati mid-dritt pubbliku jew impriżi pubbliċi, jew f’isimhom ma jistgħux jiġu esklużi abbażi tal-Artikolu 13(f).

Huma biss il-kuntratti konklużi esklussivament bejn żewġ gvernijiet li jistgħu jikkostitwixxu “kuntratti mogħtija minn gvern lil gvern ieħor” fis-sens tal-Artikolu 13(f) tad-Direttiva. Il-kuntratti ta’ provvista tal-G2G jimplikaw, fil-prinċipju, it-trasferiment tat-titolu mill-gvern li qed ibigħ għall-gvern akkwirenti (4). Min-naħa l-oħra, il-fatt li gvern jipprovdi garanziji ta’ eżekuzzjoni tajba jew forom simili ta’ appoġġ lil operatur ekonomiku li qed jikkompeti għal kuntratt ma jagħmilx l-esklużjoni applikabbli għal dak il-kuntratt. Barra minn hekk, l-esklużjoni tkopri biss il-kuntratt bejn iż-żewġ gvernijiet; hija ma tkoprix il-kuntratti relatati konklużi bejn il-gvern li qed ibigħ u l-operatur ekonomiku.

L-Artikolu 11 tad-Direttiva jirrigwarda l-użu tal-esklużjonijiet u jgħid li “l-ebda regola, proċedura, programm, ftehim, arranġament jew kuntratt imsemmi f’din it-taqsima ma jista’ jintuża biex ikunu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”), id-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw eċċezzjonijiet għar-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE għandhom jiġu interpretati b’mod strett (5). Fl-istess ħin, il-Qorti tgħid li eċċezzjoni “għandha tiġi interpretata b’mod konsistenti mal-għanijiet imfittxija minnha”. Għalhekk, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta ma jfissirx li t-termini użati sabiex tiġi ddefinita eċċezzjoni “għandhom jiġu interpretati b’mod li din tiġi mxejna mill-effetti tagħha” (6).

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li jitqiesu mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (7). Dan ifisser, b’mod partikolari, li għandhom jitqiesu l-għanijiet tad-Direttiva fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 13(f). Dawn l-għanijiet huma stabbiliti fost l-oħrajn fil-premessi 2 u 3, li jgħidu li “il-formazzjoni progressiva ta’ Suq Ewropew tat-Tagħmir tad-Difiża huwa essenzjali għat-tisħiħ tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (…)” u li “l-Istati Membri jaqblu dwar il-ħtieġa li tiġi mrawma, żviluppata u sostnuta Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea li tkun ibbażata fuq il-kapaċità, kompetenti u kompetittiva. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, l-Istati Membri jistgħu jużaw għodod differenti, konformement mal-liġi [tal-Unjoni], bil-għan li jkun hemm suq Ewropew ġenwin tad-difiża u kondizzjonijiet ugwali kemm fil-livell Ewropew u kif ukoll f’dak internazzjonali”.

Il-kuntratti li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva xorta jistgħu jinstabu li huma soġġetti għar-regoli u għall-prinċipji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE). Madankollu, m’hemm l-ebda ġurisprudenza tal-Qorti dwar il-punt sa fejn ir-regoli u l-prinċipji tat-TFUE jistgħu japplikaw għal kuntratti li huma esklużi abbażi tal-Artikolu 13(f) tad-Direttiva.

3.   Analiżi tas-suq

Minn dan ta’ hawn fuq isegwi li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu, f’każijiet debitament iġġustifikati, jiddeċiedu li jagħtu kuntratt lil gvern ieħor, bl-applikazzjoni tal-esklużjoni mogħtija fl-Artikolu 13(f) tad-Direttiva.

Għalhekk, id-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt lil gvern ieħor għandhom jiġu preċeduti minn analiżi adatta, li tistabbilixxi b’mod ċar li l-għoti ta’ kuntratt partikolari lil gvern ieħor hija l-unika għażla jew l-aħjar waħda biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-akkwist identifikati mill-gvern akkwirenti.

Din l-analiżi għandha tidentifika, b’mod partikolari, jekk il-kompetizzjoni hijiex ineżistenti jew imprattikabbli (ara t-taqsima 4) jew, għall-kuntrarju, jekk il-kompetizzjoni għall-kuntratt tidhirx possibbli (ara t-taqsima 5). Meta jiġi vvalutat jekk il-kompetizzjoni hijiex ineżistenti jew imprattikabbli jew, għall-kuntrarju, jekk din tidhirx possibbli, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħżlu li jillimitaw l-analiżi tagħhom għas-suq intern.

Din l-analiżi timplika eżami xieraq tas-suq, adattat għall-kundizzjonijiet tas-suq u għar-rekwiżiti speċifiċi, li jista’ jsir ukoll qabel ma tiġi ffinalizzata d-definizzjoni tar-rekwiżit. Pereżempju, awtorità kontraenti tista’ tippubblika Avviż ta’ Talba għal Informazzjoni fuq is-sit web tagħha biex tibda djalogu tekniku, kif imsemmi fil-premessa 49 tad-Direttiva, sabiex l-operaturi ekonomiċi potenzjali jingħataw l-opportunità jikkummentaw dwar ir-rekwiżit propost, li jista’ jwassal biex jiġu identifikati soluzzjonijiet alternattivi.

L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiddokumentaw l-analiżi tagħhom biex, kull meta jkun meħtieġ, ikunu jistgħu juru, fuq il-bażi ta’ dokumentazzjoni ta’ sostenn, li d-deċiżjonijiet tagħhom huma ġġustifikati.

Dan huwa konformi mal-metodi effettivi tal-akkwist, speċjalment f’sitwazzjoni ta’ limitazzjonijiet baġitarji ġenerali, u jissodisfa r-regoli u l-istandards ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Barra minn hekk, dan jillimita b’mod konsiderevoli r-riskji marbuta mal-isfidi legali kemm skont il-liġi nazzjonali kif ukoll skont dik tal-UE. Skont il-liġi tal-UE, dan jimminimizza r-riskji li d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tagħti kuntratt lil gvern ieħor, bl-applikazzjoni tal-esklużjoni mogħtija fl-Artikolu 13(f), tiġi kkontestata b’suċċess, b’mod partikolari, abbażi tal-evitar tad-Direttiva (l-Artikolu 11) u/jew ta’ ksur tar-regoli u tal-prinċipji tat-Trattat.

4.   Meta l-kompetizzjoni hija ineżistenti jew imprattikabbli

Ċerti kuntratti, min-natura tagħhom stess, jistgħu jingħataw biss lil gvernijiet oħra. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta Stat Membru jipprovdi taħriġ militari lil Stat Membru ieħor. Kuntratti bħal dawn ġeneralment jingħataw fil-qafas ta’ kooperazzjoni militari bejn l-Istati. Peress li ma jista’ jkun hemm l-ebda alternattiva kummerċjali, huma m’għandhom l-ebda impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern.

Barra minn hekk, jista’ jkun hemm każijiet fejn l-analiżi msemmija fit-taqsima 3 turi b’mod ċar li l-kompetizzjoni kummerċjali hija ineżistenti jew imprattikabbli.

Xi wħud miċ-ċirkostanzi fejn il-kompetizzjoni hija ineżistenti jew imprattikabbli f’ambjent kummerċjali jistgħu jkunu rilevanti għall-akkwist permezz tal-G2G (eż. operatur wieħed minħabba raġunijiet tekniċi jew drittijiet esklussivi; l-urġenza; provvisti addizzjonali; u r-ripetizzjoni ta’ xogħlijiet u ta’ servizzi).

F’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet, l-awtoritajiet kontraenti jista’ ma jkollhom l-ebda alternattiva vijabbli għall-għoti ta’ kuntratt direttament lil gvern ieħor. Dawn jinkludu, pereżempju, is-sitwazzjonijiet li ġejjin: i) ir-rekwiżiti identifikati mill-awtorità kontraenti jistgħu, minħabba raġunijiet tekniċi jew raġunijiet marbuta mal-protezzjoni ta’ drittijiet esklussivi, jiġu ssodisfati biss minn gvern partikolari wieħed; ii) l-awtorità kontraenti tkun qed tiffaċċa rekwiżiti operazzjonali urġenti bħal, perżempju, kwistjoni urġenti li tirriżulta minn sitwazzjoni ta’ kriżi jew ta’ urġenza estrema maħluqa minn avvenimenti li ma setgħux jiġu previsti; iii) hemm bżonn ta’ provvisti addizzjonali mingħand il-gvern li wettaq il-bejgħ oriġinali bħala sostituzzjoni parzjali jew estensjoni tal-provvisti eżistenti u minħabba raġunijiet marbuta mal-interoperabbiltà ma jistax jinbidel is-sors tal-provvista. Jistgħu jiġu previsti ċirkostanzi oħra fejn ikun ċar mill-bidu nett li sejħa għall-kompetizzjoni mhix se twassal għal aktar kompetizzjoni jew għal riżultati ta’ akkwist aħjar minn dawk miksubin bl-akkwist permezz tal-G2G.

F’każijiet fejn l-awtoritajiet kontraenti jqisu li l-kompetizzjoni hija ineżistenti jew imprattikabbli, huma għandhom jiddokumentaw l-analiżi tagħhom (ara t-taqsima 3) sabiex, kull meta jkun meħtieġ, ikunu jistgħu juru, fuq il-bażi ta’ dokumentazzjoni ta’ sostenn, li d-deċiżjonijiet tagħhom huma ġġustifikati.

L-awtoritajiet kontraenti li jirrikorru għall-Artikolu 13(f) tad-Direttiva minħabba li l-kompetizzjoni hija ineżistenti jew imprattikabbli qed jingħataw parir li jagħmlu d-deċiżjoni tagħhom magħrufa jew billi jippubblikaw test liberu fil-ĠU tal-UE (ara t-taqsima 5) jew billi jagħmlu avviż fil-każ tat-Trasparenza Ex Ante Volontarja (VEAT). Permezz ta’ din il-pubblikazzjoni dwar l-akkwist mingħajr applikazzjoni tad-Direttiva, l-awtorità kontraenti tħabbar id-deċiżjoni tagħha li tagħti kuntratt lil gvern ieħor, abbażi tal-Artikolu 13(f), f’sitwazzjonijiet fejn il-kompetizzjoni hija ineżistenti jew imprattikabbli. It-test ippubblikat jew l-avviż fil-każ tal-VEAT se jinkludi deskrizzjoni tat-tranżazzjoni tal-G2G prevista, li se tavża lill-operaturi ekonomiċi dwar din it-tranżazzjoni u tipprovdilhom l-opportunità li jippreżentaw lill-awtorità kontraenti soluzzjonijiet alternattivi li setgħu ġew injorati.

L-“Anness D3 — Difiża u Sigurtà” tal-avviż tal-VEAT jobbliga lill-awtorità kontraenti tipprovdi ġustifikazzjoni għall-għoti tal-kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt. L-awtoritajiet kontraenti li jippubblikaw avviż tal-VEAT fiċ-ċirkostanzi deskritti f’dan il-paragrafu għandhom jagħżlu l-opzjoni fil-paragrafu 2 “il-kuntratt ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva” u jipprovdu deskrizzjoni fil-qosor tar-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom.

Għal raġunijiet ta’ trasparenza, l-awtoritajiet kontraenti qed jingħataw il-parir ukoll li jippubblikaw — ex post — avviż dwar l-għoti tal-kuntratt tal-G2G, pereżempju, fuq is-sit web tagħhom jew permezz ta’ stqarrija għall-istampa. Xi informazzjoni tista’ titħalla barra minn din il-pubblikazzjoni f’każijiet fejn ir-rilaxx tagħha jkun ta’ xkiel għall-infurzar tal-liġi jew inkella jkun imur kontra l-interess pubbliku, b’mod partikolari l-interessi tad-difiża u/jew tas-sigurtà, jew meta dan ikun ta’ ħsara għal interessi kummerċjali leġittimi.

5.   Meta l-kompetizzjoni tidher possibbli: ir-reklamar ta’ qabel l-akkwist u l-finalizzazzjoni tal-istrateġija tal-akkwist

Jista’ jkun hemm każijiet fejn l-awtoritajiet kontraenti li jkunu qed jikkunsidraw l-akkwist mingħand gvern ieħor — abbażi tal-analiżi msemmija fit-taqsima 3 — ma jkunux ċerti dwar jekk il-kompetizzjoni, għat-twettiq tar-rekwiżiti speċifiċi tal-akkwist tagħhom, hijiex ineżistenti jew imprattikabbli.

F’dawn is-sitwazzjonijiet, fl-interess ta’ akkwist effettiv, u biex ikun hemm konformità mal-istandards ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u jiġu evitati r-riskji legali, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jeżaminaw is-suq ulterjorment billi jagħmlu r-rekwiżiti tagħhom magħrufa permezz tar-reklamar ta’ qabel l-akkwist. L-għan ta’ dan l-eżami ulterjuri tas-suq huwa biex jiġi stabbilit jekk hemmx mill-inqas operatur ekonomiku wieħed tal-UE li jista’ jikkompeti ġenwinament biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti (jiġifieri li jkun kapaċi jipproponi soluzzjoni simili jew aħjar minn dik tal-G2G). Dan jippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jiffinalizzaw l-istrateġija tal-akkwist tagħhom (il-G2G jew l-akkwist kummerċjali) b’għarfien sħiħ tas-suq.

F’dan il-kuntest, il-mezzi possibbli ta’ reklamar ta’ qabel l-akkwist jinkludu:

il-Ġurnal Uffiċjali (ĠU) tal-Unjoni Ewropea;

il-ġurnali uffiċjali nazzjonali jew il-portali nazzjonali tal-akkwisti;

reklami fuq is-sit web jew fuq il-portal tal-akkwisti tal-awtoritajiet kontraenti nfushom;

ir-rivisti professjonali, bħala mezz komplimentari ta’ reklamar.

F’każijiet fejn jirriżulta b’mod ċar mill-analiżi tas-suq li l-fornituri potenzjali kollha huma magħrufa, il-bgħit ta’ talbiet għall-informazzjoni lil dawn il-fornituri potenzjali jista’ jikkostitwixxi alternattiva għall-pubblikazzjoni.

F’każijiet fejn ma jirriżultax b’mod ċar mill-analiżi tas-suq li l-fornituri potenzjali kollha huma magħrufa, l-awtoritajiet kontraenti qed jingħataw parir jippubblikaw, bħala avviż ta’ informazzjoni ta’ qabel l-akkwist, test liberu fil-ĠU tal-UE. F’din is-sitwazzjoni speċifika, l-awtoritajiet kontraenti għandhom il-possibbiltà li jitolbu l-pubblikazzjoni ta’ test liberu fil-ĠU tal-UE (ojs@publications.europa.eu), jekk il-formoli standard ma jkunux xierqa. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jużaw ukoll l-avviż tal-VEAT (ara t-taqsima 4).

L-informazzjoni inkluża f’dan l-avviż ta’ informazzjoni ta’ qabel l-akkwist, jew f’talba għall-informazzjoni, tista’ tkun limitata għal deskrizzjoni ġenerali tar-rekwiżiti u indikazzjoni tal-baġit disponibbli. L-awtoritajiet kontraenti għandhom isemmu b’mod espliċitu li huma qed jiffinalizzaw l-istrateġija tal-akkwist tagħhom, li jista’ jwassal għall-għoti ta’ kuntratt lil gvern ieħor jew għat-tnedija ta’ proċedura formali ta’ akkwist skont id-Direttiva. L-awtoritajiet kontraenti għandhom isemmu wkoll li huma qed jagħtu lill-operaturi ekonomiċi potenzjali l-opportunità li jipprovdu evidenza li turi li huma kapaċi jissodisfaw ir-rekwiżiti ekonomikament u teknikament.

L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħżlu wkoll li jistiednu lill-operaturi ekonomiċi potenzjali biex jikkummentaw dwar ir-rekwiżiti proposti, u biex joffru soluzzjonijiet li jistgħu jiffaċilitaw il-kompetizzjoni jew jiġġeneraw valur aħjar għall-flus. Jekk l-awtoritajiet kontraenti jiddeċiedu li jagħmlu hekk, huma obbligati jiżguraw li jkun hemm trattament ugwali u li ma titgħawwiġx il-kompetizzjoni.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jikkuntattjaw lil gvernijiet oħra biex jesploraw jekk ir-rekwiżiti tagħhom jistgħux jiġu ssodisfati permezz tal-G2G.

L-awtoritajiet kontraenti se jużaw l-informazzjoni miġbura mir-reklami u mid-diskussjonijiet ma’ gvernijiet oħra biex jiffinalizzaw l-istrateġija tal-akkwist tagħhom b’għarfien sħiħ tas-suq.

6.   In-negozjati mal-gvernijiet

Jekk, abbażi ta’ valutazzjoni imparzjali tal-informazzjoni miġbura mir-reklamar ta’ qabel l-akkwist, l-awtoritajiet kontraenti jaslu għall-konklużjoni li l-għoti ta’ kuntratt partikolari lil gvern ieħor hija l-unika għażla jew l-aħjar waħda biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tagħhom, huma għandhom jipproċedu bin-negozjati ma’ dak il-gvern jew ma’ dawk il-gvernijiet u fl-aħħar mill-aħħar jagħtu l-kuntratt tal-G2G skont l-esklużjoni mogħtija fl-Artikolu 13(f) tad-Direttiva.

Sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-awtoritajiet kontraenti jiġu ssodisfati bl-aħjar mod skont metodi effettivi tal-akkwist, u sabiex jiġu evitati r-riskji legali, l-awtoritajiet kontraenti għandhom iwettqu negozjati imparzjali mal-gvernijiet. Dan huwa partikolarment importanti meta jkun hemm diversi offerti pubbliċi u meta jkun hemm impatt sinifikanti fuq is-suq intern.

L-għażla finali għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi bħalma huma l-kwalità, il-prezz, il-mertu tekniku, il-karatteristiċi funzjonali, il-kost operazzjonali, l-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja, is-servizz ta’ wara l-bejgħ u l-assistenza teknika, id-data ta’ konsenja, is-sigurtà tal-provvista, l-interoperabbiltà u l-karatteristici operazzjonali.

Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jiddokumentaw il-valutazzjoni tagħhom sabiex, kull meta jkun meħtieġ, ikunu jistgħu juru, fuq il-bażi ta’ dokumentazzjoni ta’ sostenn, li d-deċiżjonijiet tagħhom huma ġġustifikati.

7.   L-akkwist skont id-Direttiva

Jekk, għall-kuntrarju, valutazzjoni imparzjali tal-informazzjoni miġbura mir-reklamar ta’ qabel l-akkwist turi li operatur ekonomiku wieħed jew aktar tal-UE jistgħu jagħtu soluzzjoni ekonomikament aktar vantaġġuża minn dik mogħtija mill-G2G u m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva biex isir akkwist mingħand il-gvern li qed ibigħ, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jibdew proċedura ta’ akkwist skont id-Direttiva. F’dak il-każ għandu jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva.


(1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, COM(2013) 542 final, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52013DC0542&rid=1

(2)  ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.

(3)  Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, COM(2014) 387, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52014DC0387&rid=1

(4)  Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(4) tad-Direttiva, li jiddefinixxi “kuntratt ta’ provvista” bħala “kuntratt minbarra kuntratt ta’ xogħlijiet li għandu bħala għan ix-xiri, il-leasing, il-kiri jew il-hire purchase, bl-għażla ta’ xiri jew mingħajrha, ta’ prodotti”.

(5)  Ara, fost l-oħrajn, il-Kawża C-337/06, Bayerischer Rundfunk, il-paragrafu 64.

(6)  Ara l-Kawża C-19/13, Fastweb, il-paragrafu 40.

(7)  Ara, fost l-oħrajn, il-Kawża 292/82, Merck, il-paragrafu 12; il-Kawża C-34/05, Schouten, il-paragrafu 25; il-Kawża C-433/08, Yaesu Europe, il-paragrafu 24; u l-Kawża C-112/11, Ebookers.com, il-paragrafu 12.


2.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 450/6


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8109 — FIH Mobile/Feature Phone Business of Microsoft Mobile)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 450/02)

Fit-22 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32016M8109. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


2.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 450/6


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8183 — Avnet/Premier Farnell)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 450/03)

Fis-6 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32016M8183. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


2.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 450/7


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7792 — Konecranes/Terex MHPS)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 450/04)

Fit-8 ta’ Awwissu 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) flimkien mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32016M7792. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


2.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 450/7


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8241 — Nordic Capital/Nordnet/Group of individual investors)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 450/05)

Fit-28 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32016M8241. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

2.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 450/8


Ir-rata tal-interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament (1):

0,00 % fl-1 ta’ Diċembru 2016

Rata tal-kambju tal-euro (2)

L-1 ta’ Diċembru 2016

(2016/C 450/06)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,0627

JPY

Yen Ġappuniż

121,39

DKK

Krona Daniża

7,4401

GBP

Lira Sterlina

0,84098

SEK

Krona Żvediża

9,7935

CHF

Frank Żvizzeru

1,0764

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

8,9628

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,061

HUF

Forint Ungeriż

313,96

PLN

Zloty Pollakk

4,4676

RON

Leu Rumen

4,5042

TRY

Lira Turka

3,7032

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4378

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4240

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,2422

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5008

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5175

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 241,64

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

14,9575

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,3176

HRK

Kuna Kroata

7,5450

IDR

Rupiah Indoneżjan

14 394,27

MYR

Ringgit Malażjan

4,7434

PHP

Peso Filippin

52,833

RUB

Rouble Russu

67,7700

THB

Baht Tajlandiż

37,901

BRL

Real Brażiljan

3,6597

MXN

Peso Messikan

21,9342

INR

Rupi Indjan

72,6370


(1)  Rata applikata għall-operazzjoni l-iktar reċenti mwettqa qabel il-jum indikat. Fil-każ ta' sejħa għall-offerti b'rata varjabbli, ir-rata tal-interessi hija r-rata marġinali.

(2)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


2.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 450/9


Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2015 dwar abbozz ta’ deċiżjoni relatat mal-Każ M.7630 — FedEx/TNT Express

Relatur: Is-Slovenja

(2016/C 450/07)

1.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-operazzjoni notifikata tikkostitwixxi f’konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

2.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni nnotifikata għandha dimensjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

3.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mad-definizzjonijiet tal-Kummissjoni tal-prodott rilevanti u s-swieq ġeografiċi kif stabbilit fl-abbozz tad-deċiżjoni.

4.

B’mod partikolari, il-Kumitat Konsultattiv jaqbel li hemm suq separat tal-prodott għal servizzi ta’ konsenja express ta’ pakketti żgħar fiż-ŻEE kif ukoll suq separat tal-prodott għal servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti żgħar barra miż-ŻEE li jinkludi s-servizzi express u differit, li t-tnejn li huma għandhom ambitu nazzjonali.

5.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li fost l-integraturi, il-Partijiet mhumiex kompetituri partikolarment qrib ta’ xulxin u l-Entità Fuża tkun limitata wara t-tranżazzjoni mill-kompetituri tagħha fis-swieq għal servizzi ta’ konsenja express internazzjonali fiż-ŻEE u s-servizzi ta’ konsenja barra miż-ŻEE.

6.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni proposta x’aktarx mhux se tirriżulta f’impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva f’xi wieħed mit-30 suq nazzjonali għall-forniment ta’ servizzi ta’ konsenja express internazzjonali fiż-ŻEE.

7.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni taf twassal ukoll għal effiċjenzi sinifikanti fis-swieq għal servizzi ta’ konsenja express internazzjonali fiż-ŻEE.

8.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni proposta x’aktarx mhux se tirriżulta f’impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva f’xi wieħed mit-30 suq nazzjonali għall-forniment ta’ servizzi ta’ kunsinna barra miż-ŻEE għad-dinja u xi wieħed mit-30 suq nazzjonali għal konsenji barra miż-ŻEE għal kull waħda mis-sitt linji kbar fid-dinja.

9.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni taf twassal ukoll għal effiċjenzi fi swieq ta’ servizzi ta’ konsenja barra miż-ŻEE.

10.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni mhux se telimina qawwa kompetittiva importanti fis-suq u integraturi oħra (DHL, UPS) jkomplu jipprovdu restrizzjoni kompetittiva li tirrigwarda wkoll servizzi lill-SMEs.

11.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni proposta ma timpedixxix b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, u għalhekk tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE skont l-Artikoli 2(2) u 8(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.


2.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 450/10


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

FedEx/TNT Express

(Il-Każ M.7630)

(2016/C 450/08)

I.   SFOND

1.

Fis-26 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta (minn hawn 'il quddiem “it-Tranżazzjoni”) skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2) li permezz tagħha FedEx Corporation (“FedEx”) għandha l-ħsieb li takkwista l-kontroll esklussiv fuq TNT Express N.V. (“TNT”) fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet permezz ta’ akkwiżizzjoni pubblika skont il-liġi Netherlandiża. Il-FedEx minn issa ‘l quddiem tissemma’ ukoll “il-Parti Notifikanti” u FedEx u TNT huma minn issa ‘l quddiem imsemmija bħala “il-Partijiet”.

II.   PROĊEDURA

Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c) u l-aċċess għad-dokumenti ewlenin

2.

Fil-31 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni biex tibda proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet filwaqt li sabet li t-Tranżazzjoni tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (minn issa 'l quddiem id-“deċiżjoni 6(1)(c)”).

3.

Il-Partijiet issottomettew il-kummenti tagħhom bil-miktub dwar id-deċiżjoni 6(1)(c) fit-12 ta' Awwissu 2015.

4.

Wara talba mill-Parti Notifikanti fis-17 ta’ Awwissu 2015, verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ ċerti sottomissjonijiet ewlenin ta’ partijiet terzi miġbura matul l-ewwel fażi tal-investigazzjoni, li jikkumplementaw dawk id-dokumenti diġà mibgħuta lilha, ġew mogħtija lill-Parti Notifikanti fl-istess jum. Aktar sottomissjonijiet ewlenin ta’ partijiet terzi ġew mogħtija lill-partijiet notifikanti fuq bażi kontinwa matul it-tieni fażi.

Estensjoni tal-iskadenza

5.

Fit-12 ta’ Awwissu 2015, fuq talba tal-Partijiet, il-limitu ta’ żmien sabiex tittieħed deċiżjoni finali kien estiż b'għoxrin jum ta’ xogħol skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

Persuna terza interessata

6.

Wara talba bil-miktub tal-15 ta’ Ottubru 2015, United Parcel Service, Inc. (minn hawn 'il quddiem “UPS”) ġiet rikonoxxuta bħala persuna terza interessata fl-21 ta’ Ottubru 2015. Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Għaqdiet (3), id-DĠ għall-Kompetizzjoni informa lil UPS permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ottubru 2015 dwar in-natura u s-suġġett tal-proċedura u stieden lil UPS sabiex tissottometti kummenti addizzjonali bil-miktub filwaqt li kkunsidrat li UPS kienet diġà ltaqgħet mad-DĠ għall-Kompetizzjoni u għamlet diversi sottomissjonijiet matul l-investigazzjoni tat-tranżazzjoni, u b’hekk eżerċitat id-dritt tagħha li tinstema’ skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

Fis-sottomissjoni tagħha bil-miktub tal-4 ta’ Novembru 2015 indirizzata lid-DĠ għall-Kompetizzjoni u lill-uffiċjal tas-seduta, l-UPS esprimiet il-perspettiva tagħha dwar it-Tranżazzjoni, iżda sostniet li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar in-natura u s-suġġett tal-proċedura li ma kinitx diġà magħrufa pubblikament abbażi tal-Istqarrija għall-Istampa tal-Kummissjoni IP/15/5463 tal-31 ta’ Lulju 2015. L-UPS b’hekk qieset li l-Kummissjoni ma kinitx issodisfat ir-rekwiżit legali stipulat fl-imsemmi Artikolu 16(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Għaqdiet.

Id-DĠ għall-Kompetizzjoni wieġeb għal UPS b’ittra tal-11 ta’ Novembru 2015 fejn indika li l-profondità u d-dettall tas-sottomissjoni ta' UPS datata l-4 ta’ Novembru 2015 urew li UPS kienet informata biżżejjed dwar in-natura u s-suġġett tal-proċedura f’dan il-każ sabiex tkun tista’ tagħti l-fehmiet tagħha. Barra minn hekk, id-DĠ għall-Kompetizzjoni wera r-rieda tiegħu li jiddiskuti ma’ UPS u jagħti opportunità ulterjuri lil UPS sabiex tesprimi l-fehma tagħha f’laqgħa sussegwenti li fil-fatt seħħet fit-18 ta’ Novembru 2015.

F’ittra tal-25 ta’ Novembru 2015 indirizzata lill-uffiċjal tas-seduta, l-UPS issostni madankollu li l-informazzjoni limitata pprovduta ma tippermettix l-UPS li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha u għaldaqstant l-UPS titlob aktar informazzjoni dettaljata dwar ir-raġunament tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet preliminari tal-investigazzjoni tagħha.

Jien eżaminajt it-talba ta' UPS fid-dawl tal-Artikoli 18 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, l-Artikoli 11 u 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Għaqdiet, il-każistika rilevanti u l-involviment ta' UPS fil-proċedura tal-Kummissjoni. Jien nikkonkludi li, sa fejn għandu x'jaqsam id-dritt ta' UPS li tinstema’ bħala persuna terza interessata rikonoxxuta, UPS kienet infurmata biżżejjed dwar in-natura u s-suġġett tal-proċedura skont l-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Għaqdiet u li barra minn hekk UPS kienet assoċjata mill-qrib mal-proċedura f’dan il-każ, b’hekk tippermetti l-UPS teżerċita effettivament id-dritt tagħha li tiġi mismugħa skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Abbażi ta’ dan, jien ċħadt it-talba ta' UPS b’deċiżjoni skont l-Artikolu 7(2)(d) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE.

III.   ABBOZZ TA’ DEĊIŻJONI

7.

L-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni jipprevedi għall-approvazzjoni mingħajr kundizzjonijiet tat-Tranżazzjoni skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

Peress li l-investigazzjoni fil-fond tas-suq ma kkonfermatx id-dubji serji li tqajmu inizjalment fid-deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c), il-Kummissjoni issa tqis li t-Tranżazzjoni ma tfixkilx b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-swieq rilevanti u, għalhekk, l-ebda Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet ma ntbagħtet lill-partijiet notifikanti.

IV.   RIMARKI TA’ KONKLUŻJONI

8.

Minbarra t-talba msemmija hawn fuq ta' UPS, jien ma rċevejt l-ebda talba proċedurali jew ilment ieħor minn ebda parti.

9.

Kollox ma' kollox, nikkonkludi li ġie rrispettat l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet kollha f’dan il-każ.

Brussell, it-18 ta' Diċembru 2015.

Joos STRAGIER


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1) (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 802/2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 133, 30.4.2004, p.1; rettifika ĠU L 172, 6.5.2004, p. 9) (“ir-Regolament ta' Implimentazzjoni dwar l-Għaqdiet”).


2.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 450/12


Sommarju ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-8 ta’ Jannar 2016

li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim ŻEE

(Il-Każ M.7630 — FedEx/TNT Express)

(innotifikat skont id-dokument C(2015) 9826)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 450/09)

Fit-8 ta’ Jannar 2016 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi  (1) , u partikolarment l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa tista’ tinstab fil-lingwa awtentika tal-każ fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html.

I.   IL-PARTIJIET

(1)

Il-FedEx Corporation (“FedEx” - l-Istati Uniti tal-Amerika) tipprovdi lill-konsumaturi u lin-negozji madwar id-dinja b’firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ trasportazzjoni, ta’ kummerċ elettroniku u tan-negozju. In-netwerk taż-ŻEE tal-FedEx għandu l-bażi ċentrali tal-ajru tiegħu f’Pariġi. TNT Express NV (“TNT” – Il-Pajjiżi l-Baxxi) hija attiva fis-setturi tal-konsenja ta’ pakketti żgħar u tat-trasport tal-merkanzija. In-netwerk Ewropew tat-TNT għandu l-bażi ċentrali tal-ajru tiegħu fi Liège, il-Belġju.

II.   L-OPERAZZJONI u D-DIMENSJONI TAL-UE

(2)

Fis-7 ta’ April 2015, FedEx u TNT (“il-Partijiet” jew “l-Entità Fuża”) ħabbru l-ftehim kondizzjonali tagħhom fuq offerta pubblika minn FedEx għall-ishma kollha maħruġa u pendenti fil-kapital ta’ TNT bil-għan li FedEx tikseb kontroll ta’ TNT (it-“Tranżazzjoni”).

(3)

It-Tranżazzjoni tinvolvi l-akkwist tal-kontroll esklussiv ta’ TNT minn FedEx u tikkostitwixxi konċentrazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”). Għandha dimensjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

III.   PROĊEDURA

(4)

Fis-26 ta’ Ġunju 2015, it-Tranżazzjoni ġiet innotifikata formalment lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(5)

Fil-31 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni sabet li t-Tranżazzjoni qajmet dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u adottat deċiżjoni biex tibda proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (“id-deċiżjoni biex jinfetħu proċedimenti”).

(6)

Il-Partijiet issottomettew il-kummenti tagħhom bil-miktub dwar id-deċiżjoni biex jinfetħu proċedimenti fit-12 ta’ Awwissu 2015 u fl-istess jum, fuq talba tal-Partijiet, il-limitu ta’ żmien sabiex tittieħed deċiżjoni finali dwar dan il-każ ġie estiż b’għoxrin jum ta’ xogħol skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(7)

UPS ġie rikonoxxut bħala persuna terza interessata skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet permezz ta’ deċiżjoni tal-Uffiċjal tas-Seduta tal-21 ta’ Ottubru 2015.

(8)

L-investigazzjoni fil-fond tat lok biex jitwarrab it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat b’mod preliminari fid-deċiżjoni biex jinfetħu proċedimenti. L-ebda dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni ma ġiet adottata.

(9)

L-abbozz ta’ Deċiżjoni kien ġie diskuss mal-Istati Membri waqt il-Kumitat Konsultattiv fuq il-Konċentrazzjonijiet fil-11 ta’ Diċembru 2015, li ta opinjoni favorevoli. L-Uffiċjal tas-Seduta ta l-opinjoni favorevoli tiegħu dwar il-proċedimenti fir-rapport tiegħu li ġie ppreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2015.

(10)

Fit-8 ta’ Jannar 2016, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiddikjara l-Fużjoni bħala kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim taż-ŻEE (id-“Deċiżjoni”).

IV.   VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA

A.   Introduzzjoni

(11)

Din id-Deċiżjoni tiffoka fuq is-suq għal servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti żgħar. Id-dupplikazzjonijiet potenzjali bejn l-attivitajiet tal-Partijiet fl-oqsma tat-trasport u d-dispaċċ tal-merkanzija ma jwasslux għal swieq affettwati.

(12)

Kemm FedEx kif ukoll TNT huma fornituri ta’ servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti żgħar kemm fiż-ŻEE kif ukoll miż-ŻEE lejn destinazzjonijiet li mhumiex fiż-ŻEE. It-tnejn huma magħrufa bħala “integraturi”, jiġifieri għandhom kontroll operazzjonali sħiħ fuq l-assi ta’ trasport kollha, kopertura ġeografika suffiċjenti fuq livell globali, mudell operazzjonali hub and spoke, netwerk tal-IT ta’ proprjetà tagħhom, u r-reputazzjoni li jipprovdu b’mod affidabbli pakketti żgħar fil-ħin (l-hekk imsejħa l-kredibilità “end-to-end”). Iż-żewġ integraturi l-oħra huma d-DHL jew il-UPS.

B.   Is-swieq rilevanti

Is-swieq tal-prodotti rilevanti

(13)

Skont il-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni (2), is-suq rilevanti għal servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti żgħar jinkludi l-konsenji taħt il-31,5 kg. Il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni skont jekk il-pakketti miksuba f’pajjiż taż-ŻEE humiex fornuti fl-istess pajjiż (swieq domestiċi), għal pajjiżi differenti taż-ŻEE (fis-swieq internazzjonali fiż-ŻEE) jew lejn pajjiż barra ż-ŻEE (swieq tas-servizzi barra ż-ŻEE).

(14)

F’każijiet preċedenti, b’mod partikolari meta jiġu vvalutati swieq internazzjonali fiż-ŻEE, il-Kummissjoni identifikat ukoll suq għal servizzi ta’ konsenja express (bl-impenn ta’ konsenja l-ġurnata ta’ wara) bħala separat minn dak ta’ servizzi ta’ konsenja differiti/standard (b’perjodu ta’ żmien itwal ta’ impenji) (3). Dawn is-sejbiet kienu bbażati fuq, fost l-oħrajn, il-fatt li ż-żewġ tipi ta’ servizzi huma pprovduti bl-użu ta’ infrastrutturi differenti, li numru sinifikanti ta’ klijenti jiddependi fuq is-servizz ta’ konsenja express u li s-servizzi ta’ konsenja express huma wkoll konsiderevolment ogħla fil-prezz.

(15)

F’dan il-każ, minħabba li l-Partijiet jikkoinċidu b’mod sostanzjali fil-forniment ta’ servizzi barra miż-ŻEE, il-Kummissjoni wettqet stħarriġ estensiv f’dawn is-swieq mhux ivvalutati fid-dettall qabel.

(16)

Fir-rigward tal-integraturi, kemm l-express barra miż-ŻEE (jiġifieri, l-aktar servizz ta’ konsenja garantita rapidu possibbli) u vjeġġi ta’ pakketti żgħar differiti (aktar bil-mod iżda xorta waħda affidabbli ħafna bil-ġurnata definita) essenzjalment jużaw l-istess netwerk u l-istess passi tal-katina tal-provvista (inkluż tqassim f’air-hubs, titjiriet twal u l-approvazzjoni doganali) dwar il-vjaġġ tagħhom lejn diversi destinazzjonijiet interkontinentali. Barra minn hekk, l-integraturi kollha huma f’kompetizzjoni diretta għaż-żewġ tipi ta’ servizzi u kien hemm indikazzjonijiet li l-prezzijiet għal servizzi express u differiti barra miż-ŻEE jimxu flimkien, u dan ma jikkontradixxix il-possibilità li l-express u d-differiti jagħmlu parti mill-istess suq. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni qieset lis-servizzi express u differiti bħala segmenti tal-istess suq ta’ barra miż-ŻEE.

(17)

Minn perspettiva ta’ destinazzjoni, filwaqt li ħalliet miftuħa d-definizzjoni tas-suq tal-prodott, il-Kummissjoni vvalutat l-impatt tat-Tranżazzjoni kemm fuq bażi dinjija kif ukoll fuq bażi tar-rotot tal-kummerċ ewlenin (l-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika Ċentrali u l-Amerika t’Isfel, l-Afrika, l-Asja u l-Paċifiku, il-Lvant Nofsani u l-Bqija tal-Ewropa).

Is-swieq ġeografiċi rilevanti

(18)

Fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku, jiġifieri l-oriġini tal-konsenja, konformi mad-deċiżjoni fil-każ UPS/TNT, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq express internazzjonali fiż-ŻEE huwa nazzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Il-valutazzjoni tal-impatt tat-Tranżazzjoni twettqet fuq livell nazzjonali għas-swieq tas-servizzi tal-konsenja ta’ pakketti żgħar minn barra ż-ŻEE wkoll. Madankollu, minħabba l-karatteristiċi tan-netwerk tal-industrija u r-rwol kruċjali tan-netwerks bl-ajru għal konsenji interkontinentali, il-valutazzjoni kompetittiva fuq konsenji ta’ pakketti żgħar barra miż-ŻEE inkludiet ukoll il-livell taż-ŻEE.

1.   Servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti żgħar fiż-ŻEE

(19)

Il-konsenja express internazzjonali fiż-ŻEE ta’ pakketti żgħar fiż-ŻEE hija industrija ta’ netwerk, li teħtieġ preżenza fil-pajjiżi kollha taż-ŻEE. Il-preżenza meħtieġa ġġib magħha investimenti fl-infrastruttura matul il-katina kollha tal-valur (mill-ġbir, għat-tqassim, is-servizzi tal-linja, il-punti ċentrali, in-netwerk tal-ajru, l-ajruplani u l-konsenja). L-integraturi jkollhom l-aktar kontroll strett fuq in-netwerk tagħhom u huma l-uniċi li għandhom netwerk express mingħajr xkiel li jkopri l-pajjiżi kollha taż-ŻEE. Fil-valutazzjoni tas-saħħa kompetittiva bejn id-diversi kategoriji ta’ kompetituri tal-Partijiet fis-swieq express internazzjonali fiż-ŻEE, il-Kummissjoni kkonstatat, skont ir-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq, li l-fornituri ta’ konsenja ta’ pakketti żgħar mhux integrati ġeneralment jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva dgħajfa fuq il-Partijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat approċċ konservattiv u llimitat il-valutazzjoni kompetittiva tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq servizzi ta’ konsenja express internazzjonali fiż-ŻEE fil-pajjiżi differenti taż-ŻEE fuq ir-restrizzjonijiet kompetittivi li l-erba’ integraturi jeżerċitaw fuq xulxin.

(a)   Il-pożizzjoni fis-suq tal-Entità Fuża fuq servizzi ta’ konsenja express internazzjonali fiż-ŻEE tas-swieq tkun moderata

(20)

Minħabba l-limitazzjonijiet inerenti tad-dejta tas-sehem mis-suq ippreżentata minn FedEx għall-iskopijiet tal-valutazzjoni kompetittiva f’dan il-każ u skont l-approċċ tal-Kummissjoni fil-każ UPS/TNT, il-Kummissjoni għamlet eżerċizzju ta’ rikostruzzjoni tas-suq. Fil-livell taż-ŻEE, l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ inqas minn 30 %. Se jkun xorta waħda l-inqas wieħed mit-tliet integraturi li jibqa’ u b’hekk fit-tielet post wara li DHL u UPS. Fuq livell tal-pajjiżi, l-Entità Fuża ma jkollhiex sehem mis-suq ta’ aktar minn 40 % abbażi ta’ ċifri tal-2014 u ma tkun fl-ewwel post fl-ebda wieħed mit-30 suq nazzjonali fiż-ŻEE investigati (4).

(b)   FedEx u TNT mhumiex kompetituri partikolarment qrib ta’ xulxin rigward servizzi ta’ konsenja express internazzjonali fiż-ŻEE

(21)

Għalkemm kemm FedEx kif ukoll TNT huma integraturi u għalhekk jikkompetu ma’ xulxin fil-qasam ta’ servizzi ta’ konsenja express internazzjonali fiż-ŻEE fit-30 suq nazzjonali fiż-ŻEE, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Partijiet mhumiex kompetituri partikolarment mill-qrib.

(22)

Minn naħa, in-negozju tal-FedEx jiffoka fuq klijenti bi ħtiġijiet ta’ konsenja barra miż-ŻEE sinifikanti. Il-maġġoranza tad-dħul express fiż-ŻEE internazzjonali tal-FedEx huwa derivat minn konsumaturi li jkunu xtraw mingħandha ukoll servizzi ta’ konsenja barra miż-ŻEE. L-enfasi ta’ FedEx fuq il-klijenti express fiż-ŻEE internazzjonali b’rekwiżiti sinifikanti tal-konsenja extra-ŻEE huwa bbażat fuq il-kapaċità limitata tagħha li tikkompeti b’suċċess għal klijenti ta’ servizzi express indipendenti intra-Ewropej jew klijenti li jixtiequ jiksbu kemm servizzi express internazzjonali kif ukoll servizzi nazzjonali/internazzjonali fiż-ŻEE ta’ konsenja differita mill-istess fornitur. Dawn il-limitazzjonijiet huma dovuti għan-netwerk aktar dgħajjef tal-FedEx madwar iż-ŻEE. Dan in-netwerk aktar dgħajjef jittraduċi ruħu fil-kopertura ġeografika iżgħar tal-FedEx għas-servizzi express differenti, dgħufija relattiva fil-forniment ta’ servizzi differiti u domestiċi fuq skala akbar, u f’bażi tal-ispejjeż ogħla li tirriżulta minn ekonomiji ta’ skala u ta’ densità aktar baxxi, li jagħmlu l-FedEx ħafna inqas kompetittiva għal konsenji express internazzjonali fiż-ŻEE. Dan imbagħad jissarraf f’pożizzjoni dgħajfa fis-suq fir-rigward ta’ TNT u ż-żewġ integraturi l-oħra u huwa konsistenti mal-enfasi tal-FedEx fuq konsenji barra miż-ŻEE.

(23)

Min-naħa l-oħra, TNT tiffoka fuq kljienti bi ħtiġijiet internazzjonali indipendenti u internazzjonali fiż-ŻEE u ħtiġijiet ta’ konsenja domestiċi/differiti. Għall-kuntrarju ta’ FedEx, TNT għandha preżenza sostanzjali Ewropea bbażata fuq it-triq u preżenza aktar effiċjenti tan-netwerk tal-ajru u proporzjon ogħla ta’ bejgħ fis-segment domestiku u dak differit. Proporzjon limitat tad-dħul tagħha huma derivati minn klijenti bi ħtiġijiet ta’ konsenja barra miż-ŻEE. Dejta dwar il-bejgħ ta’ TNT turi li parti kbira mid-dħul express fiż-ŻEE ta’ TNT fl-Ewropa huwa ġġenerat ma’ klijenti li jixtru wkoll servizzi ta’ konsenja domestiċi u/jew internazzjonali differiti fiż-ŻEE mingħand TNT. B’kuntrast, TNT kellha inqas suċċess biex tattira klijenti express internazzjonali fiż-ŻEE li jirrikjedu wkoll servizzi ta’ konsenja internazzjonali barra miż-ŻEE.

(24)

Id-dokumenti interni tal-Partijiet ikkonfermaw ukoll li huma ma jarawx lil xulxin bħala kompetituri mill-qrib ħafna. Barra minn hekk, maġġoranza ċara fost il-klijenti tal-Partijiet ukoll ma jarawx lill-Partijiet bħala kompetituri mill-qrib ħafna (eż. f’termini tal-prezzijiet, il-firxa u l-kwalità tas-servizzi, l-affidabilità, il-firxa ġeografika, traċċar u rintraċċar eċċ.). Barra minn hekk, il-konsumaturi jqisu lil FedEx bħala aktar dgħajfa mit-tliet integraturi l-oħra fis-swieq għas-servizzi ta’ konsenja express internazzjonali fiż-ŻEE.

(25)

Fl-aħħar nett, minkejja għadd ta’ limitazzjonijiet li ġew identifikati, l-analiżi ta’ offerti sottomessi mill-Partijiet ipprovdiet konferma ulterjuri li l-FedEx hi kompetitur aktar dgħajjef għal TNT milli DHL u UPS.

(c)   Il-fużjoni ma teliminax qawwa kompetittiva importanti

(26)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li TNT ma għandhiex kwalitajiet speċifiċi li jippermettulha teżerċita pressjoni kompetittiva sinifikanti fuq l-integraturi l-oħra li tista’ tirriżulta fi tnaqqis ta’ kompetizzjoni wara t-Tranżazzjoni. L-ewwel nett, il-pożizzjoni tal-kost tal-express internazzjonali fiż-ŻEE ta’ TNT mhijiex aktar favorevoli mill-pożizzjoni tal-kost ta’ DHL u UPS. Min-naħa l-oħra, TNT ma kinitx kapaċi tespandi l-pożizzjoni tagħha fis-suq għad-detriment tal-integraturi l-oħra f’dawn l-aħħar snin. It-tielet, il-Kummissjoni setgħet tivverifika b’mod empiriku li TNT ma tistax titqies bħala stipulant tal-prezzijiet aggressiv fis-suq internazzjonali express fiż-ŻEE. Ir-raba’, l-enfasi ta’ TNT f’dawn l-aħħar snin ma kenitx fuq li tinvesti b’mod sinifikanti fin-netwerk tagħha, iżda pjuttost fuq li tikkonsolida s-servizzi tagħha. Għaldaqstant, ma jistax jingħad li hija kienet entità innovatriċi f’termini tal-espansjoni tan-netwerk f’dawn l-aħħar snin.

(d)   DHL u UPS ikunu f’pożizzjoni li jillimitaw l-Entità Fuża wara t-Tranżazzjoni

(27)

Minkejja l-fatt li n-nonintegraturi, b’mod partikolari l-operaturi bbażati fit-triq b’netwerk kbir bħal DPD u GLS, jeżerċitaw ċerta pressjoni kompetittiva fuq l-Entità Fuża skont is-suq nazzjonali, il-Kummissjoni għażlet approċċ konservattiv u llimitat għal DHL u UPS l-analiżi tagħha dwar jekk il-kompetituri tal-Entità Fuża hux se jkollhom effett restrittiv fuq il-prezzijiet.

(28)

L-ewwel nett, l-Entità Fuża se tiffaċċa żewġ kompetituri b’saħħithom u kapaċi. Fuq il-bażi tar-riżultati tar-rikostruzzjoni tas-suq tal-Kummissjoni, DHL se tibqa’ fuq quddiem fis-suq, segwita minn UPS. Meta ġew mistoqsija jekk wara li ssir it-tranżazzjoni jkunx hemm biżżejjed alternattivi vijabbli għall-ħtiġijiet ta’ konsenja express internazzjonali fiż-ŻEE tagħhom, il-maġġoranza l-kbira tal-klijenti wieġbu li dan kien il-każ. Kemm UPS kif ukoll DHL kienu indikati bħala alternattiva vijabbli għall-Entità Fuża, wara li tkun saret it-Tranżazzjoni.

(29)

It-tieni nett, il-klijenti jistgħu jipproteġu lilhom infushom kontra żieda eventwali ipotetika fil-prezz mill-Entità Fuża billi jaqilbu għal fornitur ieħor. Il-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi ta’ servizzi ta’ konsenja express internazzjonali fiż-ŻEE jużaw bosta sorsi, u l-bdil bejn il-fornituri huwa faċli.

(30)

It-tielet, DHL u UPS jistgħu faċilment iżidu l-provvista ta’ servizzi tagħhom f’każ ta’ żieda fil-prezz ipotetika wara t-tranżazzjoni mill-Entità Fuża u b’hekk jaqdu d-domanda addizzjonali mingħajr ma jeħlu spiża addizzjonali materjali.

(e)   Il-maġġoranza ċara tal-konsumaturi ma wrew ebda tħassib dwar it-Tranżazzjoni

(31)

Il-maġġoranza l-kbira tal-klijenti li wieġbu għall-investigazzjoni tas-suq tal-ewwel u t-tieni fażi tal-Kummissjoni esprimew fehma newtrali jew saħansitra pożittiva dwar l-effett globali tat-tranżazzjoni fuq is-suq internazzjonali fiż-ŻEE għal servizzi ta’ konsenja express ta’ pakketti żgħar.

(f)   L-analiżi tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet ma kenitx konklużiva

(32)

Sabiex tiġi żgurata konsistenza sħiħa mal-analiżi kwantitattiva mwettqa fil-każ UPS/TNT, il-Kummissjoni applikat analiżi tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet biex tevalwa l-impatt tal-prezz possibbli tat-Tranżazzjoni proposta fuq il-prezzijiet tal-FedEx u, konsegwentement, fuq il-prezzijiet ta’ TNT. Il-Kummissjoni sabet li ż-żidiet fil-prezz stmati mill-mudell ma kinux statistikament sinifikanti. Għalhekk, ir-riżultati tal-analiżi tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet ma setgħux jintużaw b’mod affidabbli bħala prova favur jew kontra l-istabbiliment ta’ impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva.

(g)   Il-fużjoni se twassal għal effiċjenzi

(33)

Il-FedEx issostni li effiċjenzi sinifikanti jirriżultaw mit-Tranżazzjoni, b’mod partikolari mill-integrazzjoni tal-operazzjonijiet relattivament ineffiċjenti tal-FedEx fin-Netwerk Ewropew tat-TNT. Il-kategoriji prinċipali ta’ effiċjenzi li jaffettwaw is-servizzi express fiż-ŻEE kienu l-iffrankar tal-ispejjeż mill-ġbir u l-konsenja (PUD) u l-iffrankar tal-ispejjeż tan-netwerk tal-ajru. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta lilha, il-Kummissjoni kkonkludiet li parti mill-iffrankar iddikjarat tal-ispejjeż tal-PUD u parti mill-iffrankar iddikjarat tal-ispejjeż tan-netwerk tal-ajru (wara t-trasferiment) jikkwalifikaw bħala effiċjenzi rilevanti speċifiċi għall-fużjoni li ma jistgħux jinkisbu sal-istess punt permezz ta’ alternattivi inqas anti-kompetittivi. Iż-żmien għat-twettiq tal-effiċjenzi identifikati kien stmat għal tliet snin. Anke li kieku r-riżultati ta’ analiżi tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet tal-Kummissjoni kienu statistikament sinifikanti, l-effiċjenzi tal-PUD assoċjati mat-Tranżazzjoni kienu aktar milli jikkumpensaw iż-żidiet fil-prezz stmati għall-klijenti ta’ FedEx fi kwalunkwe wieħed mis-swieq nazzjonali għal servizzi ta’ konsenja express internazzjonali fiż-ŻEE.

(h)   Konklużjoni

(34)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni ma tfixkilx b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fl-ebda wieħed mit-30 suq nazzjonali għall-forniment ta’ servizzi ta’ konsenja express internazzjonali fiż-ŻEE.

2.   Servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti żgħar barra miż-ŻEE. Valutazzjoni ġenerali

(35)

Għadd ta’ operaturi jipprovdu servizzi barra miż-ŻEE, li fosthom hemm l-erba’ integraturi, operaturi postali nazzjonali, burdnara u kumpaniji oħra tal-kurjers. Bl-istess mod bħall-express fiż-ŻEE, l-express barra miż-ŻEE hija wkoll industrija ta’ netwerk li tinvolvi investimenti fl-infrastruttura matul il-katina kollha tal-valur u li tirrikjedi li l-operaturi jiżguraw preżenza fil-pajjiżi kollha ewlenin taż-ŻEE u r-rotot dinjija ewlenin kollha, jiġifieri l-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika Ċentrali u l-Amerika t’Isfel, l-Afrika, l-Asja u l-Paċifiku, il-Lvant Nofsani u l-bqija tal-Ewropa. Billi l-integraturi għandhom kontroll strett fuq in-netwerk tagħhom u huma l-uniċi li għandhom netwerk express mhux interrott li jkopri l-pajjiżi taż-ŻEE kollha, l-atturi mhux integrati jeżerċitaw biss restrizzjoni kompetittiva limitata fuq integraturi. Il-Kummissjoni għalhekk, bl-istess mod għas-servizzi express, ivvalutat l-impatt tat-Tranżazzjoni fuq l-aktar bażi konservattiva, b’kunsiderazzjoni biss tar-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata fuq l-Entità Fuża mill-integraturi l-oħra fid-diversi swieq possibbli għall-konsenji barra miż-ŻEE. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti hawn taħt, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni ma twassal għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fl-ebda wieħed mit-30 suq nazzjonali ta’ pakketti żgħar għal konsenji extra-ŻEE lejn is-swieq dinjija jew lejn xi wieħed mis-swieq nazzjonali għal konsenji barra miż-ŻEE lejn is-sitt rotot dinjija ewlenin.

(a)   Il-pożizzjoni fis-suq tal-Entità Fuża tkun moderata fis-swieq għal servizzi ta’ konsenja barra miż-ŻEE

(36)

Il-Kummissjoni għamlet eżerċizzju ta’ rikostruzzjoni tas-suq ibbażat fuq id-dejta tad-dħul ipprovduta mill-erba’ integraturi, fid-dawl tal-evalwazzjoni tas-saħħa tas-suq relattiv tagħhom (i) fit-30 suq nazzjonali għal konsenji internazzjonali barra miż-ŻEE minn pajjiż taż-ŻEE lejn id-dinja; u (ii) fis-swieq nazzjonali għal konsenji internazzjonali barra miż-ŻEE minn kull wieħed mit-30 pajjiż taż-ŻEE għal kull waħda mis-sitt rotot kummerċjali dinjin ewlenin. Il-Kummissjoni analizzat ukoll l-impatt tat-Tranżazzjoni fuq is-swieq nazzjonali taż-ŻEE kollha b’mod aggregat, jiġifieri għal konsenji barra miż-ŻEE lejn id-dinja u lejn is-sitt rotot ta’ destinazzjoni ewlenin miż-ŻEE.

(37)

Meta wieħed iħares lejn kull wieħed mit-30 suq nazzjonali għall-konsenji barra miż-ŻEE lejn id-dinja u lejn is-sitt rotot ta’ destinazzjoni ewlenin, is-sehem mis-suq kombinat tal-Partijiet huwa pjuttost moderat fil-biċċa l-kbira tas-swieq plawżibbli għal servizzi ta’ konsenja barra miż-ŻEE. Meta ħarset lejn is-swieq nazzjonali għal konsenji barra miż-ŻEE lejn id-dinja, il-Kummissjoni kkonkludiet li wara t-Tranżazzjoni l-pożizzjoni relattiva tal-Entità Fuża fil-biċċa l-kbira tat-30 suq nazzjonali għall-konsenji barra miż-ŻEE lejn id-dinja tkun pjuttost moderata. Is-sehem mis-suq ikkombinat tal-Partijiet ikun jaqbeż l-40 % u ż-żieda tat-Tranżazzjoni tkun ogħla minn 5 % biss fi tliet swieq nazzjonali, jiġifieri l-Ungerija, l-Estonja u l-Latvja. Fl-aħħar nett, fis-swieq nazzjonali għall-konsenji barra miż-ŻEE lejn ir-rotot dinjija ewlenin, il-Partijiet ikollhom sehem mis-suq ikkombinat ta’ aktar minn 40 % u ż-żieda tkun ta’ aktar minn 5 % f’għaxar swieq nazzjonali.

(b)   Fost l-integraturi, il-Partijiet mhumiex kompetituri partikolarment qrib ta’ xulxin fis-swieq għas-servizzi ta’ konsenja barra miż-ŻEE

(38)

Il-Partijiet mhumiex kompetituri partikolarment qrib ta’ xulxin għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, il-pożizzjoni relattiva ta’ TNT hija aktar dgħajfa fost l-integraturi fis-suq totali għall-konsenji barra miż-ŻEE u fil-biċċa l-kbira tas-subsegmenti possibbli tiegħu. Dan jirriżulta mill-fatt li TNT tiffoka l-aktar fuq l-Ewropa, għall-kuntrarju tat-tliet integraturi l-oħra li huma atturi globali. Parti kbira mid-dħul ta’ TNT huwa ġġenerat permezz tal-forniment tas-servizzi ta’ konsenja fl-Ewropa jew minn/lejn l-Ewropa filwaqt li għat-tliet integraturi l-oħra, il-parti tal-attività tagħhom marbuta mal-Ewropa tirrappreżenta sehem żgħir ħafna min-negozju kollu tagħhom. Dan jgħodd b’mod partikolari fil-każ ta’ FedEx. Perċentwal ferm iżgħar mid-dħul totali tagħha huwa ġġenerat minn servizzi mhux minn/lejn l-Ewropa, filwaqt li dan il-perċentwal huwa stmat ogħla għall-integraturi l-oħra. Barra minn hekk, mid-dħul ta’ TNT li jiġi ġġenerat fl-Ewropa, perċentwal żgħir biss jirrigwarda l-forniment ta’ servizzi barra miż-ŻEE.

(39)

It-tieni, TNT għandha netwerk tal-ajru limitat ħafna meta mqabbla mal-integraturi l-oħra. Għall-kuntrarju tat-tliet integraturi l-oħra li jużaw netwerk tal-ajru estensiv tagħhom stess għall-konsenji barra miż-ŻEE tagħhom, TNT tuża biss erba’ inġenji tal-ajru u tixtri l-kapaċità mingħand linji tal-ajru kummerċjali jew tal-merkanzija għall-konsenji l-oħra kollha tagħha. FedEx, min-naħa l-oħra, tuża netwerk ta’ 17-il inġenju tal-ajru tagħha stess għas-servizzi ta’ konsenja tagħha barra miż-ŻEE. L-użu ta’ netwerk tal-ajru proprju joffri vantaġġi sinifikanti għal integratur, inkluż, pereżempju, aktar ċertezza dwar il-kapaċità disponibbli u l-istruttura tal-ispejjeż kif ukoll prestazzjoni ta’ servizz aħjar għaliex jippermetti konnettività mingħajr intoppi, anqas movimenti tal-pakketti ż-żgħar u anqas punti ta’ mmaniġġar. L-ambitu limitat tan-netwerk tal-ajru ta’ TNT barra miż-ŻEE huwa fl-istess ħin riflessjoni tad-dgħufija relattiva tagħha fis-swieq tal-konsenji barra miż-ŻEE meta mqabbla mat-tliet integraturi l-oħra u restrizzjoni fuq il-kapaċità tagħha li tikkompeti fuq l-istess livell magħhom.

(40)

It-tielet, wara li analizzat id-dejta tal-offerti tal-Partijiet u b’mod partikolari dawk ta’ FedEx fuq konsenji barra miż-ŻEE, il-Kummissjoni identifikat li TNT dehret bħala kompetitur aktar dgħajjef ta’ FedEx għal opportunitajiet barra miż-ŻEE meta mqabbla ma’ DHL u UPS. DHL dehret bħala l-kompetitur ewlieni ta’ FedEx u UPS u TNT jiġu t-tieni u t-tielet rispettivament. B’mod aktar speċifiku, DHL dehret bħala l-kompetitur tal-FedEx aktar minn tliet darbiet aktar minn TNT.

(41)

Ir-raba’, l-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni kkonfermat li l-Partijiet mhumiex l-eqreb kompetituri ta’ xulxin.

(42)

Għalhekk, fis-swieq għal servizzi ta’ konsenja barra miż-ŻEE, il-Kummissjoni kkonkludiet li TNT ma tistax titqies bħala kompetitur partikolarment mill-qrib ta’ FedEx.

(c)   It-Tranżazzjoni ma teliminax qawwa kompetittiva importanti

(43)

TNT hija l-aktar dgħajfa mill-erba’ integraturi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ konsenji barra miż-ŻEE u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala qawwa kompetittiva importanti li se titneħħa permezz tat-Tranżazzjoni. Barra minn hekk, is-sehem mis-suq ta’ TNT ma żdiedx b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar snin minħabba xi strateġija aggressiva. Minbarra dan, TNT ssegwi mudell kummerċjali simili ħafna għal dak tal-integraturi l-oħra fir-rigward tal-forniment tagħha ta’ servizzi barra miż-ŻEE, is-servizzi u l-prezzijiet tagħha huma għalhekk paragunabbli ma’ dawk tar-rivali tagħha. Barra minn hekk, TNT ma jidhirx li titlob prezzijiet ħafna aktar baxxi mill-integraturi l-oħra u ma tiffokax fuq li tkun fornitur bl-irħis fil-pjan tan-negozju u tal-kummerċjalizzazzjoni tagħha; minflok, hija tipprijoritizza l-affidabilità tagħha, il-kwalità tas-servizz lill-klijent u l-flessibbiltà.

(d)   L-Entità Fuża tkun kostretta mill-kompetituri tagħha wkoll wara t-Tranżazzjoni

(44)

L-ewwel nett, l-erba’ integraturi kollha diġà għandhom impatt globali, u joffru servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti żgħar għal aktar minn 220 pajjiż fid-dinja. Dawn kollha għandhom għalhekk diġà aċċess għal bażi ta’ klijenti li tirrikjedi servizzi barra miż-ŻEE. Barra minn hekk, l-integraturi kollha għandhom il-kapaċità li jorganizzaw jew direttament jew permezz ta’ partijiet terzi kontraenti, il-ġbir ta’ pakketti żgħar mill-pajjiżi kollha taż-ŻEE, li jorganizzaw it-trasferiment ta’ pakketti żgħar fir-rotta tad-destinazzjoni u minn dak il-punt, it-twassil fid-destinazzjoni.

(45)

It-tieni, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ukoll jekk integratur ikollu sehem kemxejn aktar baxx f’suq speċifiku għall-konsenji barra miż-ŻEE, dan ma jindikax dgħufija inerenti sabiex joffri s-servizz minn dak is-suq. Fil-fatt, fil-każijiet kollha fejn is-sehem ta’ integratur partikolari jkun limitat f’suq ta’ prodott/destinazzjoni speċifiċi, iżda jkun ħafna ogħla fi swieq tal-prodotti/destinazzjonijiet oħrajn għal konsenji mill-istess pajjiż tal-oriġini taż-ŻEE, dan l-integratur għalhekk ikun qiegħed f’pożizzjoni li jipprovdi servizzi barra miż-ŻEE minn dak il-pajjiż tal-oriġini. B’mod simili, fil-każijiet kollha li fihom integratur ikollu sehem limitat f’suq speċifiku barra miż-ŻEE, iżda jkollu ishma ferm ogħla għall-konsenji lejn dik id-destinazzjoni minn pajjiżi oħra taż-ŻEE tal-oriġini, dan l-istess integratur għalhekk jista’ jipprovdi servizzi ta’ konsenja barra miż-ŻEE lejn dik id-destinazzjoni.

(46)

It-tielet, ma hemmx restrizzjoni fuq il-kapaċità fir-rigward tas-servizzi barra miż-ŻEE. L-integraturi kollha għandhom l-esperjenza fit-trattament tal-varjazzjonijiet fid-domanda u għandhom it-tendenza li joperaw b’marġni li jippermettilhom li jassorbu volumi addizzjonali. Jistgħu wkoll faċilment iżidu l-kapaċità tat-trasport bl-ajru jew in-netwerk tat-triq tagħhom jekk ikun hemm bżonn u fil-passat għamlu dan, sabiex jakkomodaw klijenti kbar ġodda.

(47)

Ir-raba’, il-klijenti jistgħu faċilment jibdlu l-fornitur ta’ servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti żgħar barra ż-ŻEE. Ħafna minnhom diġà jużaw bosta sorsi fost l-integraturi jew fornituri oħra u l-kuntratti tagħhom ma fihomx klawżoli ta’ esklussività. Il-kapaċità tal-konsumaturi li jżidu l-volumi li jikkunsinjaw permezz ta’ UPS u DHL, għalhekk tillimita lill-Entità Fuża wkoll wara li tkun saret it-Tranżazzjoni.

(48)

Fl-aħħar nett, in-nonintegraturi wkoll jeżerċitaw xi pressjoni kompetittiva, b’mod partikolari b’rabta ma’ servizzi differiti barra miż-ŻEE.

(e)   Maġġoranza ċara tal-klijenti u tal-kompetituri ma esprimew l-ebda tħassib

(49)

Il-maġġoranza kbira ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ tas-suq tal-Kummissjoni kienu tal-fehma li t-tranżazzjoni se tgħaqqad flimkien il-ħiliet kumplimentari ta’ FedEx, fis-swieq barra miż-ŻEE, u ta’ TNT, fis-swieq għal servizzi ta’ konsenja fiż-ŻEE. Speċifikament fis-swieq barra miż-ŻEE, il-maġġoranza relattiva ta’ dawk li wieġbu qiesu li l-impatt tat-Tranżazzjoni jkun pożittiv, segwiti minn dawk li qiesu li jkun newtrali.

(f)   It-Tranżazzjoni twassal għal effiċjenzi

(50)

It-Tranżazzjoni twassal ukoll għal effiċjenzi sinifikanti fis-swieq għal servizzi ta’ konsenja barra miż-ŻEE. Dawn ikunu primarjament iġġenerati minn iffrankar fl-ispejjeż tal-Entità Fuża, li jirriżulta mill-integrazzjoni tal-volumi kollha tagħha fin-netwerk bl-anqas spejjeż jew ta’ FedEx jew ta’ TNT. B’riżultat ta’ dan, il-volumi kollha jkunu ttrasportati permezz tan-netwerk orħos ta’ TNT fiż-ŻEE fl-oriġini u jitwasslu permezz tan-netwerk b’anqas spejjeż ta’ FedEx jew ta’ TNT fid-destinazzjoni. Huwa mistenni li se jiġu rrealizzati sinerġiji ulterjuri, hekk kif it-titjiriet interkontinentali jmorru għand FedEx maż-żmien. B’mod simili għall-approċċ tagħha għal fiż-ŻEE, il-Kummissjoni vvalutat il-verifikabbiltà ta’ dawn l-effiċjenzi, l-ispeċifiċità tagħhom għall-fużjoni u l-abbiltà li jintużaw għall-benefiċċju tal-konsumaturi u kkonkludiet li t-tranżazzjoni tirriżulta f’effiċjenzi rilevanti skont it-test fuq tliet livelli stabbilit fil-Linji Gwida dwar il-Fużjonijiet Orizzontali.

3.   Servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti żgħar barra miż-ŻEE: Analiżi pajjiż b’pajjiż

(51)

Skont ir-riżultati tar-rikostruzzjoni tas-suq mill-Kummissjoni, l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq kombinat ta’ aktar minn 40 % u t-Tranżazzjoni twassal għal żieda ta’ aktar minn 5 % fuq 13-il rotta potenzjali għal konsenji barra miż-ŻEE. Dawn is-swieq jikkorrispondu għal konsenji barra miż-ŻEE minn seba’ pajjiżi differenti taż-ŻEE, jiġifieri l-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta u s-Slovakkja. Għall-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja u Malta, dawn is-swieq ikunu għal konsenji barra miż-ŻEE lejn l-Amerika ta’ Fuq. Għal-Latvja, ikunu s-swieq għal konsenji lejn l-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika Ċentrali u l-Amerika t’Isfel, il-Lvant Nofsani u l-Asja/il-Paċifiku. Fil-każ tal-Litwanja u s-Slovakkja, ikunu s-swieq għal konsenji lejn il-Lvant Nofsani. Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-Estonja, l-Ungerija u l-Latvja, ikunu wkoll għal konsenji barra miż-ŻEE lejn id-dinja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq moderat ta’ inqas minn 40 % u fejn it-tielet kompetitur, wara li ssir it-Tranżazzjoni, ikollu sehem mis-suq ta’ inqas minn 20 %. Fl-aħħar nett, hija analizzat ukoll f’aktar dettall is-swieq fejn is-sehem tat-tielet kompetitur ikun iżgħar miż-żieda li t-Tranżazzjoni ġġib magħha. Kollox ma’ kollox, fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji, 52 suq ġew analizzati f’aktar dettall individwalment għall-pajjiżi li ġejjin.

(52)

L-Awstrija: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-suq għall-konsenji barra miż-ŻEE mill-Awstrija lejn il-Lvant Nofsani, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [30-40] %, wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL [50-60] %. It-tielet kompetitur (UPS), wara li ssir it-Tranżazzjoni, ikollu sehem mis-suq ta’ [10-20] %.

(53)

Il-Belġju: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE mill-Belġju lejn l-Amerika ta’ Fuq, fejn l-Entità Fuża ssir l-attur ewlieni fis-suq b’sehem mis-suq ta’ [40-50] % u żieda ta’ [5-10] %, segwita minn UPS b’[30-40] % u DHL b’[10-20] %. Hija analizzat ukoll f’aktar dettall is-swieq għal konsenji barra miż-ŻEE mill-Belġju lejn id-dinja, lejn l-Amerika Ċentrali u l-Amerika t’Isfel, lejn l-Asja/il-Paċifiku u l-Lvant Nofsani, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [30-40] % u t-tielet kompetitur (UPS), wara li ssir it-Tranżazzjoni, ikollu sehem mis-suq ta’ [10-20] %. F’dawn l-erbat iswieq, DHL jibqa’ l-attur ewlieni fis-suq b’[40-50] %, [50-60] %, [40-50] % u [50-60] % rispettivament.

(54)

Il-Bulgarija: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE mill-Bulgarija lejn l-Amerika ta’ Fuq, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [40-50] %, b’żieda ta’ [5-10] %. DHL ikollha wkoll sehem ta’ [40-50] % filwaqt li l-UPS tkun fit-tielet post b’sehem mis-suq ta’ [10-20] %. Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE mill-Bulgarija lejn id-dinja, lejn l-Amerika Ċentrali u t’Isfel u lejn il-Lvant Nofsani, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [30-40] %, wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL, b’[50-60] % fit-tlitt iswieq. It-tielet kompetitur (UPS), wara li ssir it-Tranżazzjoni, ikollu sehem mis-suq ta’ [10-20] %, [5-10] % u [10-20] % rispettivament. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-suq għall-konsenji barra miż-ŻEE mill-Bulgarija lejn l-Asja/il-Paċifiku, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [20-30] %, wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL [60-70] %. Il-perċentwal tat-tielet kompetitur (UPS) ikun ta’ [5-10] %.

(55)

Il-Kroazja: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE mill-Kroazja lejn l-Asja/il-Paċifiku, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [20-30] % b’żieda ta’ [5-10] %, wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL [60-70] %. Wara li ssir it-Tranżazzjoni, UPS ikollha sehem mis-suq ta’ [5-10] %.

(56)

Ċipru: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE minn Ċipru lejn l-Amerika Ċentrali u t’Isfel, lejn l-Asja/il-Paċifiku, lejn il-Lvant Nofsani u lejn l-Afrika, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [30-40] %, b’żieda ta’ [5-10] %. F’dawn is-swieq kollha, DHL tibqa’ l-attur ewlieni fis-suq b’ishma fis-suq ta’ [60-70] %, [60-70] %, [50-60] % u [50-60] % rispettivament. It-tielet kompetitur (UPS), wara li ssir it-tranżazzjoni, ikollu sehem mis-suq ta’ [0-5] % fis-swieq lejn l-Amerika Ċentrali u t’Isfel kif ukoll lejn l-Afrika u [5-10] % fis-swieq lejn l-Asja/il-Paċifiku u lejn il-Lvant Nofsani. Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall ukoll is-suq għall-konsenji barra miż-ŻEE minn Ċipru lejn id-dinja, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [20-30] % b’żieda ta’ [5-10] %, wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL [60-70] %. Il-UPS ikollha sehem mis-suq ta’ [5-10] %.

(57)

Ir-Repubblika Ċeka: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE mir-Repubblika Ċeka lejn id-dinja u lejn il-Lvant Nofsani, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [30-40] %, wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL, b’[50-60] % fiż-żewġt iswieq. It-tielet kompetitur (UPS), wara li ssir it-Tranżazzjoni, ikollu sehem mis-suq ta’ [10-20] %. Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE mir-Repubblika Ċeka lejn l-Amerika Ċentrali u t’Isfel u lejn l-Asja/il-Paċifiku, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [20-30] %, wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL, b’[60-70] % fiż-żewġt iswieq. Il-UPS ikollha sehem mis-suq ta’ [5-10] %.

(58)

L-Estonja: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE mill-Estonja lejn id-dinja u lejn l-Amerika ta’ Fuq, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [40-50] %, u [50-60] % rispettivament b’żieda a’ [10-20] % u [5-10] % rispettivament. Is-sehem ta’ DHL għas-suq mill-Estonja lejn id-dinja jkun ta’ [40-50] % u jkun ta’ [20-30] % għall-Amerika ta’ Fuq. Il-UPS tkun fit-tielet post b’sehem mis-suq ta’ [10-20] % f’dawn iż-żewġ swieq. Il-Kummissjoni analizzat ukoll f’aktar dettall is-suq għall-konsenji barra miż-ŻEE mill-Estonja lejn l-Asja/il-Paċifiku, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [30-40] %, wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL b’[50-60] %. It-tielet kompetitur (UPS) ikollu sehem mis-suq ta’ [5-10] %.

(59)

Franza: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE minn Franza lejn l-Amerika Ċentrali u t’Isfel, lejn l-Asja/il-Paċifiku u lejn il-Lvant Nofsani, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [30-40] %, wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL, b’[50-60] % [40-50] % u [50-60] % rispettivament. It-tielet kompetitur (UPS), wara li ssir it-Tranżazzjoni, ikollu sehem mis-suq ta’ [10-20] % f’dawn is-swieq kollha.

(60)

L-Ungerija: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE mill-Ungerija lejn id-dinja, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [40-50] %, b’żieda ta’ [5-10] %. Is-sehem ta’ DHL ukoll ikun ta’ [40-50] % u UPS ikollha sehem mis-suq ta’ [10-20] %. Il-Kummissjoni analizzat ukoll f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE mill-Ungerija lejn l-Amerika Ċentrali u t’Isfel, lejn l-Asja/il-Paċifiku, lejn il-Lvant Nofsani u lejn l-Afrika, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [30-40] %, wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL, b’sehem mis-suq ta’ [40-50] %, [50-60] %, [40-50] % u [50-60] % rispettivament. It-tielet kompetitur (UPS), wara li ssir it-Tranżazzjoni, ikollu sehem mis-suq ta’ [10-20] % f’dawn is-swieq kollha.

(61)

L-Irlanda: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE mill-Irlanda lejn id-dinja u lejn l-Asja/il-Paċifiku, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [30-40] % b’żieda żgħira ta’ [5-10] % fiż-żewġt iswieq, u tkun wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL b’[40-50] % u [50-60] % rispettivament. It-tielet kompetitur (UPS), wara li ssir it-Tranżazzjoni, ikollu sehem mis-suq ta’ [10-20] %.

(62)

Il-Latvja: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE mil-Latvja lejn id-dinja, lejn l-Amerika ta’ Fuq, lejn l-Amerika Ċentrali u t’Isfel, lejn l-Asja/il-Paċifiku u lejn il-Lvant Nofsani, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [40-50] %, [50-60] %, [40-50] %, [40-50] % u [50-60] % rispettivament. F’dawn is-swieq, DHL ser ikollha sehem mis-suq ta’ [40-50] %, [20-30] %, [30-40] %, [30-40] %, [30-40] % rispettivament u l-UPS tkun fit-tielet post bi [10-20] %, [10-20] %, [20-30] %, [20-30] %, [10-20] % rispettivament.

(63)

Il-Litwanja: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-suq għall-konsenji barra miż-ŻEE mil-Litwanja lejn il-Lvant Nofsani, fejn l-Entità Fuża jkollha, wara t-Tranżazzjoni, sehem mis-suq ta’ [40-50] %, b’żieda ta’ [5-10] %. DHL ikollha wkoll sehem mis-suq ta’ [40-50] % filwaqt li l-UPS tkun fit-tielet post b’sehem mis-suq ta’ [10-20] %.

(64)

Il-Lussemburgu: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE mil-Lussemburgu lejn id-dinja, lejn l-Amerika Ċentrali u t’Isfel u lejn il-Lvant Nofsani, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [20-30] %, b’żieda żgħira ta’ [5-10] % wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL, b’[60-70] % fit-tlitt iswieq. Il-perċentwal tat-tielet kompetitur (UPS) ikun ta’ [5-10] % fit-tlitt iswieq. Il-Kummissjoni analizzat ukoll f’aktar dettall is-suq għall-konsenji barra miż-ŻEE mil-Lussemburgu lejn l-Amerika ta’ Fuq, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [30-40] %, wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL b’[50-60] %. It-tielet kompetitur (UPS), wara li ssir it-Tranżazzjoni, ikollu sehem mis-suq ta’ [10-20] %.

(65)

Malta: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-suq għall-konsenji barra miż-ŻEE minn Malta lejn l-Amerika ta’ Fuq, fejn l-Entità Fuża ssir l-attur ewlieni fis-suq b’sehem mis-suq ta’ [40-50] % u żieda ta’ [10-20] %, segwita minn DHL b’[30-40] % u UPS b’[20-30] %.

(66)

Il-Polonja: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE mill-Polonja lejn l-Amerika Ċentrali u t’Isfel, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [30-40] %, wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL, b’sehem mis-suq ta’ [40-50] % fiż-żewġt iswieq. It-tielet kompetitur (UPS), wara li ssir it-Tranżazzjoni, ikollu sehem mis-suq ta’ [10-20] %.

(67)

Is-Slovakkja: Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE mis-Slovakkja lejn il-Lvant Nofsani, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [40-50] %, wara l-attur ewlieni fis-suq, li hu DHL, b’[50-60] %. Il-UPS ikollha sehem mis-suq ta’ [0-5] % f’dan is-suq. Il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall is-swieq għall-konsenji barra miż-ŻEE mis-Slovakkja lejn id-dinja, lejn l-Amerika Ċentrali u t’Isfel u lejn l-Afrika, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [30-40] %, wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL, b’[50-60] % fit-tlitt iswieq. It-tielet kompetitur (UPS), wara li ssir it-Tranżazzjoni, ikollu sehem mis-suq ta’ [10-20] %, [5-10] % u [0-5] % rispettivament. Il-Kummissjoni analizzat ukoll f’aktar dettall is-suq għall-konsenji barra miż-ŻEE mis-Slovakkja lejn l-Asja/il-Paċifiku, fejn l-Entità Fuża jkollha sehem mis-suq ta’ [20-30] %, wara l-attur ewlieni ċar fis-suq, li hu DHL b’[60-70] %. Il-UPS ikollha sehem mis-suq ta’ [5-10] %.

(68)

Fuq il-bażi tal-analiżi tal-Kummissjoni tas-sottomissjonijiet tal-Partijiet, id-dokumenti interni tal-Partijiet u r-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin dwar is-swieq imsemmija hawn fuq għal konsenji barra miż-ŻEE lejn id-dinja u r-rotot kummerċjali ewlenin: Fil-biċċa l-kbira tas-swieq, l-Entità Fuża se jkollha biss ishma tas-suq moderati; FedEx u TNT mhumiex kompetituri mill-qrib ta’ xulxin; TNT ma tikkostitwixxix forza kompetittiva importanti f’dawn is-swieq; DHL u l-UPS se jkollhom il-kapaċitajiet meħtieġa biex jillimitaw l-Entità Fuża b’mod effettiv, anki wara li tkun saret it-Tranżazzjoni; proporzjon kbir tas-sehem mis-suq ta’ FedEx f’dawn ir-rotot effettivament ġej minn ftit klijenti prinċipali tal-Partijiet li jistgħu jibdlu faċilment, bir-riżultat li l-ishma mis-suq tal-Entità Fuża jibqgħu kontestabbli ħafna; u r-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq kienu fil-biċċa l-kbira pożittivi jew newtrali f’dak li jikkonċerna l-impatt tat-Tranżazzjoni. Barra minn hekk, instab li jiġu ġġenerati effiċjenzi f’dawn is-swieq.

(69)

Konsegwentement, fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni ma tfixkilx b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fl-ebda suq nazzjonali msemmi hawn fuq għas-servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti żgħar barra miż-ŻEE lejn id-dinja jew ir-rotot kummerċjali maġġuri tad-dinja.

4.   Impatt tat-Tranżazzjoni fuq l-SMEs

(70)

Ċerti parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq issuġġerew li t-tranżazzjoni x’aktarx li jkollha impatt akbar fuq l-SMEs, b’mod partikolari fil-forma ta’ żidiet fil-prezzijiet. Allegatament, TNT bħalissa toffri prezzijiet aktar baxxi mill-integraturi l-oħra kollha, u għalhekk hija l-fornitur tal-għażla tal-SMEs involuti f’attivitajiet ta’ kummerċ elettroniku. Skont dawn il-parteċipanti fis-suq, ġeneralment l-SMEs għandhom it-tendenza li jkollhom sors uniku, huma jiddependu fuq integraturi minħabba l-bżonn tagħhom għal tipi differenti ta’ servizzi u ma għandhomx setgħa tan-negozjar u għalhekk “iħallsu l-aktar” billi jħallsu l-prezzijiet tal-lista. Bħala riżultat tat-Tranżazzjoni, żewġ kompetituri mill-qrib se jamalgamaw ruħhom u mhuwiex probabbli li l-Entità Fuża jkompli jkollha inċentiv biex tkun “integratur li jaġixxi għal rasu” fir-rigward tal-SMEs.

(71)

Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li dan mhuwiex il-każ għal numru ta’ raġunijiet. L-ewwel nett, il-Kummissjoni investigat il-kwistjoni tal-SMEs fid-dettall matul l-investigazzjoni fil-fond. It-tweġibiet għal kwestjonarju indirizzat lill-SMEs urew li, b’mod simili għall-fehma tal-klijenti kollha, il-maġġoranza tal-SMEs kellhom fehma pożittiva jew newtrali dwar it-Tranżazzjoni globalment, kif ukoll dwar l-impatt tagħha fuq l-offerta ta’ servizz u l-kwalità. Barra minn hekk, l-investigazzjoni tas-suq ma kkonfermatx it-tħassib li l-SMEs jiddependu fuq sors wieħed jew iħallsu l-prezzijiet tal-lista. L-SMEs li wieġbu għall-investigazzjoni tas-suq, inklużi dawk li huma attivi fil-kummerċ elettroniku, indikaw li huma ġeneralment jużaw bosta sorsi għall-konsenji express fiż-ŻEE u barra ż-ŻEE tagħhom. Il-maġġoranza l-kbira tal-SMEs li wieġbu indikaw li huma jinnegozjaw skontijiet skont il-volum; huma biss ftit minn dawk li wieġbu li ma jinnegozjaw l-ebda skont.

(72)

It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li TNT ma setgħetx titqies bħala “attur li jaġixxi għal rasu” jew l-attur ewlieni tas-suq fis-settur tal-SMEs minħabba għadd ta’ raġunijiet. Il-konsumaturi tat-TNT, bħal dawk ta’ operaturi oħrajn, se jinnegozjaw rati fissi ta’ skont ma’ TNT bil-quddiem, biex ikunu jistgħu jqisu l-ispejjeż tat-trasport. Għalhekk, TNT mhix se tkun tista’ tapplika prezzijiet varjabbli lill-klijenti tagħha skont l-użu mistenni tal-kapaċità tal-inġenju tal-ajru rilevanti f’ġurnata partikolari. Barra minn hekk, l-elastiċità tal-prezzijiet ta’ servizzi ta’ konsenja express hija baxxa ħafna. Għalhekk, jekk it-TNT tipprevedi li t-titjira tagħha fuq rotta partikolari tkun fil-biċċa l-kbira vojta, l-għoti ta’ skonti lil klijenti eżistenti jew potenzjali ma jistax f’daqqa waħda joħloq domanda ogħla biex jintbagħtu oġġetti f’dik il-ġurnata u rotta. Dan huwa wkoll ikkonfermat mill-investigazzjoni tas-suq fejn il-maġġoranza tal-SMEs indikaw li jidħlu f’kuntratti qafas għal perjodu ta’ żmien itwal minflok ma jagħmlu xiri ad hoc meta jkun meħtieġ.

(73)

It-tielet, filwaqt li TNT xi kultant kellha kampanji mmirati lejn l-SMEs, dan ma jirriflettix pożizzjoni tas-suq strutturalment differenti iżda jista’ jitqies bħala parti minn aġir kompetittiv normali biex jiġu attirati l-klijenti. TNT ma jistax jingħad li tapplika prezzijiet eċċessivament baxxi fuq bażi strutturali u bħala parti minn mudell ta’ negozju distint għall-SMEs u ma tiddeterminax il-prezz tas-suq. Barra minn hekk, TNT ma espandietx aggressivament il-pożizzjoni tagħha fis-suq fis-settur tal-SMEs.

(74)

Ir-raba’, il-Kummissjoni qieset ukoll li, kif diġà ġie indikat aktar ‘il fuq, il-Partijiet ma kinux kompetituri partikolarment mill-qrib. Lanqas ma jidher li pprovdew xi prodott differenzjat speċifikament lil grupp partikolari ta’ SMEs jew li għandhom enfasi fuq dawn il-klijenti li integraturi oħra ma setgħux jipprovdu jew mhumiex qegħdin jipprovdu wkoll. Kemm DHL kif ukoll UPS diġà qed jipprovdu offerti ta’ servizz individwalizzat fuq is-siti web tagħhom għall-SMEs. Il-maġġoranza l-kbira ħafna ta’ kompetituri li rrispondew ikkonfermaw li l-ħtiġijiet tal-SMEs f’dak li għandu x’jaqsam ma’ konsenji ta’ pakketti żgħar mhumiex differenti minn dawk ta’ negozji oħra u li s-servizzi lill-SMEs ma jeħtieġu l-ebda assi jew riżorsi addizzjonali.

(75)

Konsegwentement, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tranżazzjoni ma tfixkilx il-kompetizzjoni effettiva wkoll fir-rigward tas-servizzi lill-SMEs.

V.   KONKLUŻJONI

(76)

Minħabba r-raġunijiet li ssemmew hawn fuq, id-Deċiżjoni tikkonkludi li t-Tranżazzjoni mhijiex se tostakola b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’xi parti sostanzjali tiegħu.

(77)

Konsegwentement, il-konċentrazzjoni hija ddikjarata kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE, skont l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Jannar 2013 fil-Każ M.6570 - UPS/TNT Express, minn hawn’ il quddiem (“UPS/TNT”), il-premessa 164.

(3)  Ara, fost l-oħrajn, UPS/TNT, premessa 219.

(4)  Hemm 31 pajjiż taż-ŻEE. Madankollu, il-Partijiet ma setgħux jipprovdu dejta għal-Liechtenstein.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

2.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 450/22


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8233 — Rockaway E-Commerce/EC Investments/Bonak/Sully Systems)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 450/10)

1.

Fil-25 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) permezz tal-impriżi Rockaway Capital SE u l-grupp tagħha (“Rockaway”), EC Investments a.s. (“ECI”) u PPF Group NV u l-grupp tagħha (“PPF”) jakkwistaw fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt ta’ Sully Systems a.s. (“JVco”), joint venture ġdida.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Il-grupp Rockaway huwa grupp ta’ investiment li jiffoka fuq investimenti f’kumpaniji eżistenti u start-ups f’setturi ġodda li qed jespandu tas-suq għal servizzi tal-Internet, b’mod l-aktar importanti fuq servizzi ta’ kummerċ elettroniku bħall-bejgħ online, magni tat-tiftix online, pagamenti online u servizzi oħra online,

PPF huwa grupp kbir multinazzjonali ta’ finanzi u investment li jiffoka fuq servizzi finanzjarji, finanzi għall-konsumaturi, telekomunikazzjonijiet, bioteknoloġiji, servizzi ta’ bejgħ, proprjetà immobbli u agrikoltura,

ECI taħdem fis-setturi tal-elettriċità, tal-gass u tas-sħana kif ukoll fin-negozju tal-midja,

JVCo se taġixxi bħala kumpanija azzjonarja ġdida għall-parti tal-bejgħ online tal-kumpaniji portafoll ta’ Rockaway.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta’ referenza M.8233 — Rockaway E-Commerce/EC Investments/Bonak/Sully Systems, f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.