ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 442A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
29 ta' Novembru 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 442 A/01

Sejħa għal espressjoni ta’ interess għall-għażla ta’ membri esterni tal-Kumitat għall-Progress tal-Awditjar (APC — Audit Progress Committee) — Konsulent speċjali skont l-Artikolu 5 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea: membru estern tal-Kumitat għall-Progress tal-Awditjar (APC) tal-Kummissjoni Ewropea

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

29.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 442/1


Sejħa għal espressjoni ta’ interess għall-għażla ta’ membri esterni tal-Kumitat għall-Progress tal-Awditjar (APC — Audit Progress Committee)

Konsulent speċjali skont l-Artikolu 5 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea: membru estern tal-Kumitat għall-Progress tal-Awditjar (APC) tal-Kummissjoni Ewropea

(2016/C 442 A/01)

 

I.    Min aħna

L-APC jassisti l-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-Kummissjoni Ewropea fit-twettiq tal-obbligi tagħha skont it-Trattati u strumenti statutorji oħra billi: jiżgura l-indipendenza tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS – Internal Audit Service); jagħmel monitoraġġ tal-kwalità tax-xogħol ta’ awditjar intern; u jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar jitqiesu b’mod xieraq minn Direttorati Ġenerali u Servizzi tal-Kummissjoni u li jirċievu segwitu xieraq. L-APC jirrapporta lill-Kulleġġ tal-Kummissarji u jikkontribwixxi għat-titjib ulterjuri ġenerali tal-effettività u l-effiċjenza tal-istituzzjoni biex tikseb l-għanijiet tagħha u tikkontribwixxi għas-sorveljanza tal-governanza, tal-ġestjoni tar-riskju, u tal-prattiki tal-kontroll intern tal-Kummissjoni Ewropea min-naħa tal-Kulleġġ.

Il-Kumitat tal-APC huwa korp ta’ sorveljanza u ma għandu l-ebda setgħat ta’ ġestjoni. L-APC huwa magħmul mill-Membri tal-Kummissjoni Ewropea u membri esterni b’kompetenzi professjonali ppruvati fl-awditjar u kwistjonijiet relatati, u huwa ppresedut mill-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Membri Esterni jinħatru formalment wara proċess ta’ għażla miftuħ u trasparenti għal terminu massimu ta’ erba’ snin, li jista’ jiġġedded darba.

Id-dettalji sħaħ dwar il-mandat tal-APC huma stabbiliti fil-Karta (disponibbli bl-Ingliż, bil-Ġermaniż jew bil-Franċiż):

http://ec.europa.eu/dgs/internal_audit/about/what-we-do/index_en.htm

II.    Nipproponu

L-APC qed ifittex li jistabbilixxi lista ta’ riżerva u li jirrekluta kandidati b’kompetenzi professjonali ppruvati fl-awditjar u kwistjonijiet relatati bħala membri esterni skont il-ħtiġijiet tal-APC. Innota li l-inklużjoni fil-lista ta’ riżerva ma tiggarantix ir-reklutaġġ.

Huwa mistenni li kull membru estern jiddedika madwar 30 sa 45 jum sħaħ fis-sena għar-responsabbiltajiet rispettivi tiegħu, inklużi madwar għaxar sa ħmistax-il laqgħa fis-sena fi Brussell. Il-membri esterni jinħatru bħala konsulenti speċjali skont ir-regoli tal-Kummissjoni u jitħallsu fuq bażi ta’ kuljum kif stabbilit fil-“kundizzjonijiet għall-impjieg” hawn taħt.

Il-kandidat(i) li jirnexxielu/hom jikkontribwixxi/u għas-sorveljanza tal-ogħla livell ta’ organizzazzjoni internazzjonali ewlenija li għandha l-għan li tkompli ttejjeb l-effettività u l-effiċjenza ta-governanza, tal-ġestjoni tar-riskju u tal-prattiki tal-kontroll intern.

Il-membri esterni, bħala esperti rikonoxxuti fil-qasam, jikkontribwixxu u jipparteċipaw b’mod attiv fl-attivitajiet tal-APC, l-aktar billi jassistu fil-grupp preparatorju kif ukoll fil-laqgħat proprji tal-APC fuq il-bażi tal-programm ta’ ħidma annwali adottat mill-Kumitat u l-aġendi tal-laqgħat proposti mill-President. L-APC ikollu mill-inqas tliet laqgħat fis-sena, inklużi diversi laqgħat preparatorji. Id-dokumenti ta’ sfond ikunu pprovduti u l-laqgħat isiru bl-Ingliż.

Filwaqt li l-APC ma għandu l-ebda setgħa ta’ ġestjoni, huwa jista’, fi kwalunkwe ħin, jirraporta lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kwistjoni li tirriżulta mill-ħidma tal-Kumitat.

III.    X’qed infittxu

Kriterji ta’ eliġibbiltà

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-fażi tal-għażla, jeħtieġ li l-applikanti jissodifaw il-kriterji formali li ġejjin sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

Ċittadinanza: ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

Lawrja jew diploma universitarja: ikollhom

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar, jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikat b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali postuniversitarja meħtieġa hawn taħt);

Esperjenza professjonali rilevanti: ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza postuniversitarja miksuba wara l-kisba tal-kwalifiki msemmija hawn fuq, u mill-anqas ħames snin minnhom f’oqsma rilevanti għall-awditjar, il-liġi, l-ekonomija u/jew il-finanzi;

Lingwi: ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien adegwat ta’ mill-inqas lingwa oħra minnhom;

Indipendenza u kunflitt ta’ interess: Huma għandhom ikunu indipendenti fil-qadi ta’ dmirijiethom. Ma għandux ikollhom kunflitt ta’ interess bejn dmirijiethom bħala membri esperti u kwalunkwe dmir uffiċjali ieħor.

Kriterji ta’ għażla

Il-membri esterni għandhom jintgħażlu abbażi tal-kwalitajiet personali u professjonali tagħhom u l-kompetenzi estensivi ppruvati tagħhom fl-awditjar u kwistjonijiet relatati.

Kriterji essenzjali:

Livell għoli ta’ kompetenza ppruvata u esperjenza soda fil-qasam tal-awditjar, preferibbilment inkluża esperjenza fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri jew korpi nazzjonali tal-awditjar nazzjonali tas-servizz pubbliku u/jew ditti tal-awditjar tas-settur privat;

Għarfien eċċellenti ta’ standards internazzjonali tal-awditjar intern u ta’ oqfsa ta’ kontroll intern u ta’ ġestjoni tar-riskji;

Kwalifika professjonali fil-qasam tal-awditjar;

Integrità, ġudizzju sod u ħiliet analitiċi b’saħħithom, li juru kapaċità żviluppata sew għal ħsieb strateġiku u l-abilità li jeżerċitaw skrutinju kostruttiv abbażi ta’ esperjenza usa’.

Ħiliet ta’ komunikazzjoni orali u bil-miktub eċċellenti li jippermettu li l-kandidat imexxi diskussjonijiet u jikkontesta l-pożizzjonijiet ta’ min qiegħed jiġi awditjat, u jikkomunika b’mod ċar ma’ partijiet ikkonċernati interni fil-preparazzjoni tal-grupp preparatorju u tal-laqgħat tal-APC u matulhom.

Kriterji mixtieqa:

Għarfien profond tal-istituzzjonijiet tal-UE u r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea;

Għarfien tajjeb ħafna tar-Regolament Finanzjarju tal-UE u tal-istruttura ta’ skariku, kif ukoll tar-regoli, tal-governanza u tal-proċeduri tal-Kummisjoni Ewropea kif ukoll ir-responsabbiltajiet u l-operazzjonijiet tagħha.

IV.    Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, jeħtieġ li l-membri esterni jaġixxu b’mod indipendenti u la jistgħu jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni Ewropea jew minn ebda korp ieħor pubbliku jew privat. Qabel ma jibdew jaqdu dmirijiethom, jeħtieġ li jippreżentaw:

dikjarazzjoni ta’ impenn li se jaġixxu b’mod indipendenti fl-interess pubbliku,

dikjarazzjoni li telenka l-attivitajiet l-oħra kollha mwettqa, u

dikjarazzjoni fir-rigward ta’ kull tip ta’ interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

Bl-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jipprovdu dawn id-dikjarazzjonijiet.

V.    Termini tal-ħatra

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi lista ta’ riżerva u taħtar lill-membri esterni abbażi ta’ proċedura ta’ għażla. Għal dan l-għan, hija twaqqaf bord tal-għażla li jivvaluta l-applikazzjonijiet kollha.

L-aktar kandidati kwalifikati li huma kkunsidrati li għandhom il-profil l-aktar xieraq jistgħu jissejħu għal intervista. Wara din l-intervista, il-bord tal-għażla jistabbilixxi lista ta’ riżerva tal-aktar kandidati kwalifikati, li minnhom il-Kummissjoni Ewropea taħtar membri esterni skont il-ħtiġijiet li jevolvu.

VI.    Opportunitajiet indaqs

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea japplikaw politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċettaw applikazzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, razza, kulur, oriġini soċjali jew etnika, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew ta’ natura oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.

VII.    Kundizzjonijiet tal-impjieg

Il-membri esterni tal-APC jinħatru għal terminu massimu ta’ erba’ snin, li jista’ jiġġedded darba. Dawn jinħatru fuq il-bażi ta’ kuntratti bħala konsulenti speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-membri esterni jitħallsu fuq bażi ta’ kuljum b’referenza għal AD 12, skala 1, salarju bażiku għall-ġranet li jaħdmu.

L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni li jġarrbu l-membri esterni għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni fuq talba bid-dokumenti ta’ sostenn skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni. Barra minn hekk, tingħata gratifika għal kull jum biex tkopri spejjeż oħrajn.

VIII.    Kif tapplika

Innota li:

Jenħtieġ li l-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati f’format elettroniku f’dan l-indirizz: IAS-APC-SECRETARIAT@ec.europa.eu

Sabiex l-applikazzjonijiet ikunu validi, trid tibgħat CV f’format Word jew PDF, u tikteb ittra ta’ motivazzjoni bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll tal-istituzzjoni, il-proċedura tal-għażla se ssir bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex tinżamm infurmat bl-eżitu tal-proċedura tal-għażla. Jekk jogħġbok informa lill-Kummissjoni Ewropea f’każ li l-indirizz tal-posta elettronika tiegħek jinbidel.

IX.    Skadenza

Skadenza għall-applikazzjonijiet: 15-il jum ta’ xogħol mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li testendi d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess billi tippubblikaha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biss.

X.    Protezzjoni ta’ dejta personali

Il-Kummissjoni se tiżgura li d-dejta personali tal-kandidati tiġi proċessata kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta (1).


(1)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.