ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 382

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
15 ta' Ottubru 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 382/01

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — L-approvazzjoni tal-kontenut ta’ abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 382/02

Rata tal-kambju tal-euro

14

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2016/C 382/03

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 5(2) — Stabbiliment ta' Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT) (Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 ( ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19 ))

15


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 382/04

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8083 — Merck/Sanofi Pasteur MSD) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

17

2016/C 382/05

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8102 — Valeo/FTE Group) ( 1 )

18

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 382/06

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

19


 

Rettifika

2016/C 382/07

Rettifika għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward tagħmir li juża l-gass (verżjoni kodifikata) (Pubblikazzjoni ta’ titli u referenzi ta’ standards armonizzati taħt id-Direttiva) ( ĠU C 349, 22.12.2010 )

25


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

15.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 382/1


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — L-approvazzjoni tal-kontenut ta’ abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

(2016/C 382/01)

Fit-13 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni approvat il-kontenut ta’ abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni huwa mehmuż bħala Anness ma’ din il-Komunikazzjoni. L-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni huwa miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika fuq: http://ec.europa.eu/competition/consultations/open.html


ANNESS

ABBOZZ TAR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) …/…

ta’ …

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat u r-Regolament (UE) Nru 702/2014 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tas-13 ta’ Lulju 2015, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-istat orizzontali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (2) jistabbilixxi ċerti kategoriji ta’ għajnuna li huma ddikjarati kompatibbli mas-suq intern u eżenti mir-rekwiżit li jridu jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel ma jingħataw. Ir-Regolament (UE) Nru 651/2014 ħabbar li l-Kummissjoni kienet biħsiebha tagħmel rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament biex jiġu inklużi kategoriji oħra ta’ għajnuna, u b’mod partikolari għajnuna għal infrastruttura tal-portijiet u tal-ajruporti, ladarba tkun inkisbet biżżejjed esperjenza mill-każijiet.

(2)

Fid-dawl tal-esperjenza li kisbet il-Kummissjoni u sabiex jiġu ssimplifikati u ċċarati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiffoka fuq il-każijiet potenzjalment l-aktar distortivi, l-għajnuna għall-infrastrutturi tal-portijiet u tal-ajruporti għandha issa tiġi inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 651/2014.

(3)

Għajnuna għall-investiment lil ajruporti reġjonali b’volum medju ta’ traffiku annwali ta’ passiġġieri sa tliet miljun passiġġier, tista’ ttejjeb kemm l-aċċessibbiltà ta’ ċerti reġjuni kif ukoll l-iżvilupp lokali, skont l-ispeċifiċitajiet ta’ kull ajruport. Dan jappoġġa l-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku ulterjuri u għanijiet ta’ interess komuni għall-UE. L-esperjenza miksuba wara l-applikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lil ajruporti u kumpaniji tal-ajru (3) turi li l-għajnuna għall-investiment lil ajruporti reġjonali ma tagħtix lok għal distorsjoni mhux xierqa tal-kummerċ u l-kompetizzjoni, sakemm ċerti kundizzjonijiet jiġu ssodisfati. Għalhekk għandha tkun koperta mill-eżenzjoni ta’ kategorija fir-Regolament (UE) Nru 651/2014, dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Mhuwiex xieraq li jiġi stabbilit limitu tan-notifika f’termini tal-ammont tal-għajnuna, ladarba l-impatt kompetittiv ta’ miżura ta’ għajnuna jiddependi prinċipalment fuq id-daqs tal-ajruport u mhux fuq id-daqs tal-investiment.

(4)

Il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ta’ għajnuna mir-rekwiżit ta’ notifika għandu jkollhom l-għan li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jimminaw kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern, b’mod partikolari billi tkun żgurata l-proporzjonalità tal-ammont ta’ għajnuna. Sabiex tkun proporzjonata, l-għajnuna għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet. L-intensità tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż intensità massima permissibbli tal-għajnuna, li tvarja skont id-daqs tal-ajruport. Barra minn hekk l-ammont ta’ għajnuna ma għandux imur lil hinn mid-diskrepanza fil-finanzjament tal-investiment. Għal ajruporti żgħar ħafna ta’ sa 150 000 passiġġier fis-sena, l-għajnuna għandha tkun meħtieġa biss biex tissodisfa waħda minn dawn il-kundizzjonijiet. Il-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà għandhom jiżguraw aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura. L-eżenzjoni ma għandhiex tapplika għall-għajnuna li tingħata għal ajruporti li jinsabu fil-viċinanzi ta’ ajruport eżistenti fejn jiġu mħaddma servizzi bl-ajru skedati, minħabba li l-għajnuna lil ajruporti bħal dawn iġġib magħha riskju akbar ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u għalhekk trid tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni tal-għajnuna mogħtija lil ajruporti żgħar ħafna (sa 150 000 passiġġier fis-sena), fejn mhux probabbli li din tirriżulta f’distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

(5)

Il-portijiet marittimi huma ta’ importanza strateġika għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern u t-tisħiħ ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif stabbiliti, fost l-oħrajn, fl-Istrateġija Ewropa 2020 u fil-White Paper tal-Kummissjoni “Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport — Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi” (4). Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni “Portijiet: magna għat-tkabbir” (5), l-operazzjoni effiċjenti tal-portijiet kollha fir-reġjuni marittimi tal-Unjoni teħtieġ investiment pubbliku u privat. L-investimenti huma meħtieġa, b’mod partikolari, għall-adattament għall-infrastruttura ta’ aċċess tal-portijiet u l-infrastruttura tal-portijiet għaż-żieda fid-daqs u l-kumplessità tal-flotta, għall-użu ta’ infrastruttura ta’ fjuwil alternattiva u għal rekwiżiti aktar stretti dwar il-prestazzjoni ambjentali. In-nuqqas ta’ infrastruttura tal-port ta’ kwalità għolja tirriżulta f’konġestjoni u spejjeż żejda għal kumpaniji tat-tbaħħir, operaturi tat-trasport u l-konsumaturi.

(6)

L-iżvilupp ta’ portijiet interni u l-integrazzjoni tagħhom fi trasport multimodali huwa objettiv ewlieni tal-politika tat-trasport tal-Unjoni. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha l-għan espliċitu li ssaħħaħ l-intermodalità tat-trasport u l-bidla lejn modi ta’ trasport li jirrispettaw aktar l-ambjent bħat-trasport bil-ferrovija u bil-baħar/fuq passaġġi tal-ilma interni.

(7)

Il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ta’ għajnuna għall-portijiet għandu jkollhom l-għan li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jimminaw kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern, b’mod partikolari billi tkun żgurata l-proporzjonalità tal-ammont ta’ għajnuna. Sabiex tkun proporzjonata, l-għajnuna ma għandhiex taqbeż l-intensità massima permissibbli tal-għajnuna għal portijiet marittimi, li jvarjaw skont id-daqs tal-proġett ta’ investiment. L-ammont ta’ għajnuna ma għandux jaqbeż id-differenza bejn l-ispejjeż eliġibbli u l-profitt operatorju tal-investiment, ħlief għal ammonti żgħar ħafna ta’ għajnuna li għalihom huwa xieraq approċċ simplifikat sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv. Għandu jkun żgurat ukoll aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura.

(8)

L-investimenti inklużi fil-pjanijiet ta’ ħidma tal-kurituri tan-netwerk ewlenin (Core Network Corridors) stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) huma proġetti ta’ interess komuni b’mod partikolari b’interess strateġiku għall-Unjoni. Il-portijiet marittimi li jagħmlu parti minn dawn in-netwerks huma l-punti tad-dħul u ta’ ħruġ ta’ oġġetti li qed jiġu ttrasportati ġewwa u barra l-Unjoni. Il-portijiet interni li jagħmlu parti minn dawk in-netwerks huma fatturi ewlenin li jippermettu l-multimodalità tan-netwerk. Investimenti bl-għan li jtejbu l-prestazzjoni ta’ dawn il-portijiet għandhom jibbenefikaw mill-ogħla limitu tan-notifika.

(9)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba wara l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 u tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, huwa wkoll xieraq li jiġu adattati ċerti dispożizzjonijiet ta’ dawk ir-Regolamenti.

(10)

B’mod partikolari rigward l-iskemi operatorji ta’ għajnuna reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi, l-applikazzjoni ta’ regoli differenti ta’ kumpens għal spejjeż addizzjonali ta’ trasport u ta’ spejjeż addizzjonali oħra kienet diffiċli fil-prattika u mhux xierqa biex tindirizza n-nuqqasijiet strutturali li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 349 tat-Trattat, id-distanza u l-insularità, iċ-ċokon, topografija u klima diffiċli, id-dipendenza ekonomika fuq ftit prodotti, li l-permanenza u l-kumbinazzjoni tagħhom jirrestrinġu ħafna l-iżvilupp tagħhom, u d-dispożizzjonijiet għandhom għalhekk jiġu sostitwiti b’metodu li japplika għall-ispejjeż addizzjonali kollha.

(11)

Fid-dawl tal-effetti negattivi limitati fuq il-kompetizzjoni ta’ għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju, il-livelli limitu ta’ notifika għal għajnuna f’dawk l-oqsma għandu jiżdied.

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 651/2014 u r-Regolament (UE) Nru 702/2014 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 651/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (k) u (l) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(k)

l-għajnuna għall-infrastrutturi tal-isport u għall-infrastrutturi ta’ rikreazzjoni multifunzjonali.

(l)

l-għajnuna għall-infrastrutturi lokali;”

(ii)

jiżdiedu l-punti (m) u (n) li ġejjin:

“(m)

l-għajnuna għal ajruporti reġjonali; kif ukoll

(n)

l-għajnuna għall-portijiet.”

(b)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a)

għajnuna mogħtija lis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, kif koperta mir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) ħlief għal għajnuna għat-taħriġ, għajnuna għall-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, għajnuna fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, għajnuna għall-innovazzjoni għall-SMEs, u għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati u għall-ħaddiema b’diżabilità u l-iskemi operatorji ta’ għajnuna reġjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi u ż-żoni skarsament popolati;

(b)

għajnuna mogħtija fis-settur tal-produzzjoni agrikola primarja, bl-eċċezzjoni tal-għajnuna operatorja reġjonali, għajnuna għal konsultazzjoni favur l-SMEs, għajnuna għall-finanzjament tar-riskju, għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp, għajnuna lill-SME’s għall-innovazzjoni, għajnuna ambjentali, għajnuna għat-taħriġ u għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati u għall-ħaddiema b’diżabilità;

(c)

għajnuna, minbarra għajnuna operatorja reġjonali, mogħtija lis-settur tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, fil-każijiet li ġejjin:

(i)

meta l-ammont tal-għajnuna jiġi stabbilit abbażi tal-prezz jew tal-kwantità ta’ dawn il-prodotti mixtrija minn produtturi primarji jew imqiegħda fis-suq mill-impriżi kkonċernati; jew

(ii)

meta l-għajnuna tkun bil-kundizzjoni li parti minnha jew kollha kemm hi tingħata lill-produtturi primarji;

(d)

għajnuna biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi, kif kopert bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2010/787/UE (**),

(e)

il-kategoriji ta’ għajnuna reġjonali esklużi mill-Artikolu 13.

(*)  Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1)."

(**)  Id-Deċiżjoni Nru 2010/787/UE tal-Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 2010 dwar Għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi (ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24)”"

(c)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

skemi ta’ għajnuna li ma jeskludux espliċitament il-ħlas tal-għajnuna individwali favur impriża li tkun soġġetta għal ordni pendenti ta’ rkupru wara deċiżjoni tal-Kummissjoni preċedenti li tiddikjara għajnuna mogħija mill-istess Stat Membru bħala illegali u inkompatibbli mas-suq intern; bl-eċċezzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna li jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata minn ċerti diżastri naturali;”

(ii)

il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej:

“(c)

għajnuna lil impriżi f’diffikultà, bl-eċċezzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna li jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata minn ċerti diżastri naturali u l-iskemi operatorji ta’ għajnuna reġjonali, sakemm dawn l-iskemi ma jagħmlux differenza bejn l-impriżi f’diffikultà u l-impriżi l-oħrajn”.

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 39 jinbidel b’dan li ġej:

“(39)

‘profitt operatorju’ tfisser id-differenza bejn l-ispejjeż skontati u l-ispejjeż operatorji skontati tul il-ħajja ekonomika tal-investiment, meta din id-differenza hija pożittiva. L-ispejjeż operatorji jinkludu spejjeż bħal spejjeż tal-persunal, materjali, servizzi b’kuntratt, komunikazzjonijiet, enerġija, manutenzjoni, kera, amministrazzjoni, iżda jeskludu, għall-għan ta’ dan ir-Regolament, spejjeż ta’ deprezzament u spejjeż ta’ finanzjament jekk dawn ikunu ġew koperti mill-għajnuna għall-investiment. Id-dħul u l-ispejjeż operatorji skontati bl-użu ta’ rata ta’ skont xierqa jippermettu li jkun jista’ jsir profitt raġonevoli.”

(b)

il-punt 42 jinbidel b’dan li ġej:

“(42)

‘għajnuna operatorja reġjonali’ tfisser għajnuna li tnaqqas in-nefqa kurrenti tal-intrapriża. Din tinkludi kategoriji ta’ spiża bħal spejjeż ta’ persunal, materjali, kuntratti ta’ servizz, komunikazzjoni, enerġija, manutenzjoni, kera, amministrazzjoni, eċċ., iżda teskludi spejjeż ta’ deprezzament u tal-iffinanzjar jekk dawn ġew inklużi fl-ispejjeż eliġibbli meta ngħatat l-għajnuna għall-investiment;”

(c)

il-punt 48 jinbidel b’dan li ġej:

“(48)

‘żoni skarsament popolati’ tfisser reġjuni tan-NUTS 2 b’inqas minn tmien (8) abitanti għal kull km2 jew reġjuni tan-NUTS 3 b’inqas minn 12,5 abitanti għal kull km2;”

(d)

jiddaħħal il-punt 48a li ġej:

“(48a)

‘żoni skarsament popolati’ tfisser reġjuni tan-NUTS 2 b’inqas minn tmien (8) abitanti għal kull km2;”

(e)

il-punt 55 jinbidel b’dan li ġej:

“(55)

‘iż-żoni eliġibbli għall-għajnuna operatorja’, tfisser reġjun ultraperiferiku msemmi fl-Artikolu 349 tat-Trattat jew żona skarsament popolata, jew żona popolata skarsament ħafna.”

(f)

jiddaħħal il-punt 61a li ġej:

“(61a)

‘L-għeluq tal-istess attività jew waħda simili’ tfisser l-għeluq sħiħ u wkoll l-għeluq parzjali li jirriżulta f’telf sostanzjali ta’ impjiegi. Għall-iskop ta’ din id-dispożizzjoni, telf sostanzjali tal-impjiegi hu definit bħala telf ta’ mill-inqas [100] impjieg f’dik l-attività fi stabbiliment jew bħala tnaqqis ta’ impjiegi f’dik l-attività fi stabbiliment ta’ mill-inqas 50 % tal-forza tax-xogħol;”

(g)

wara l-punt 143, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

Definizzjonijiet ta’ Għajnuna għal ajruporti reġjonali

(144)

‘infrastruttura tal-ajruport’ tfisser infrastruttura u tagħmir għall-provvista ta’ servizzi tal-ajruport mill-ajruport lil-linji tal-ajru u lill-fornituri varji tas-servizzi, inklużi r-runways, it-terminals, ir-rampa tal-ajruport, it-taxiways, l-infrastruttura ċentralizzata tal-groundhandling u kull faċilità oħra li tappoġġa direttament lis-servizzi tal-ajruport, esklużi l-infrastruttura u t-tagħmir, li huma primarjament meħtieġa biex jiġu segwiti attivitajiet mhux ajrunawtiċi;

(145)

‘linja tal-ajru’ tfisser kull linja tal-ajru b’liċenzja operattiva valida maħruġa minn Stat Membru jew minn Membru tal-Ispazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

(146)

‘ajruport’ tfisser entità jew grupp ta’entitajiet li jwettqu l-attività ekonomika li tipprovdi servizzi tal-ajruport lil-linji tal-ajru;

(147)

‘servizzi tal-ajruport’ tfisser servizzi pprovduti lil-linji tal-ajru minn ajruport jew kull wieħed mis-sussidjarji tiegħu biex ikun żgurat l-immaniġġar tal-inġenji tal-ajru, mill-inżul sat-tluq, u tal-passiġġieri u l-merkanzija, biex jippermettu li l-linji tal-ajru jipprovdu servizzi tat-trasport bl-ajru; inkluża l-provvista ta’ servizzi ta’ groundhandling u l-provvista ta’ infrastruttura ċentralizzata tal-groundhandling;

(148)

‘traffiku annwali medju tal-passiġġieri’ tfisser ċifra ddeterminata abbażi ta’ traffiku tal-passiġġieri deħlin u dawk ħerġin matul is-sentejn finanzjarji ta’ qabel dik li fiha l-għajnuna ġiet mogħtija;

(149)

‘infrastruttura ċentralizzata tal-groundhandling’ tfisser infrastruttura li normalment hija mħaddma mill-maniġer tal-ajruport u mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ diversi fornituri tas-servizzi tal-groundhandling li huma attivi f’ajruport inkambju għal remunerazzjoni, eskluż tagħmir proprjetà ta’ jew imħaddma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling;

(150)

‘ferrovija ta’ veloċità għolja’ tfisser ferrovija li kapaċi tlaħħaq veloċità ta’ iktar minn 200 km/h

(151)

‘servizzi ta’ groundhandling’ tfisser is-servizzi pprovduti għall-utenti tal-ajruporti fl-ajruporti kif deskritt fl-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE (**);

(152)

‘attivitajiet mhux ajrunawtiċi’ tfisser servizzi kummerċjali lil-linji tal-ajru jew lil utenti oħra tal-ajruport, bħal servizzi anċillari għal passiġġieri, trasportaturi tal-merkanzija jew fornituri oħra tas-servizz, il-kiri ta’ uffiċċji u ħwienet, parkeġġi u lukandi;

(153)

‘ajruport reġjonali’ tfisser kull ajruport b’volum medju ta’ traffiku annwali ta’ passiġġieri sa 3 miljun passiġġier;

Definizzjonijiet għall-Għajnuna għal portijiet

(154)

‘port’ tfisser żona ta’ art u ilma b’infrastruttura u tagħmir simili, li jippermetti li jiġu akkomodati bastimenti, it-tagħbija u l-ħatt tagħhom, il-ħżin ta’ prodotti, l-aċċettazzjoni u l-kunsinna ta’ dawk il-prodotti u l-imbark u l-iżbark tal-passiġġieri, l-ekwipaġġ u persuni oħra u kull infrastruttura oħra meħtieġa għall-operaturi tat-trasport fiż-żona tal-port;

(155)

‘port marittimu’ tfisser port, prinċipalment, biex jakkomoda bastimenti fuq l-ilma bil-baħar;

(156)

‘port intern’ tfisser port ieħor għajr port marittimu, biex jakkomoda bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni;

(157)

‘infrastruttura tal-portijiet’ tfisser infrastruttura u faċilitajiet għall-forniment ta’ servizzi portwarji relatati mat-trasport, inklużi irmiġġi użati għall-irmiġġ ta’ bastimenti, ħitan tal-mollijiet, mollijiet u rampi ta’ pontun varjabbli f’żoni tal-marea, baċiri interni, backfills u reklamazzjoni tal-art, infrastruttura ta’ fjuwil alternattiv, infrastruttura għall-ġbir ta’ skart iġġenerat mill-bastimenti u r-residwi tal-merkanzija, u faċilitajiet tat-trasport fiż-żona tal-port;

(158)

‘sovrastruttura tal-port’ tfisser arranġamenti tas-superfiċje, il-bini kif ukoll it-tagħmir mobbli inklużi krejnijiet u tagħmir fiss fiż-żona tal-port li għandhom x’jaqsmu direttament għall-funzjoni tat-trasport tal-port;

(159)

‘aċċess tal-infrastruttura’ tfisser kull tip ta’ infrastruttura meħtieġa biex jiġu żgurati l-aċċess u dħul mill-art jew mill-baħar u mix-xmajjar mill-utenti għal portijiet marittimi jew interni, b’mod partikolari, toroq ta’ aċċess, linji ferrovjarji ta’ aċċess u kanali ta’ aċċess u locks;

(160)

‘tħammil’ tfisser it-tneħħija ta’ ramel, naqal jew sustanzi oħrajn minn qiegħ l-aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma għal port jew żona ta’ port sabiex bastiment ikun jista’ jaċċessal-port;

(161)

‘tħammil ta’ manutenzjoni’ tfisser it-tħammil ta’ manutenzjoni ta’ rutina magħmula biex il-passaġġi fuq l-ilma u ż-żona tal-port jibqgħu aċċessibbli;

(162)

‘infrastruttura għall-fjuwils alternattivi’ tfisser l-infrastruttura tal-port li tippermetti li port jirċievi bastimenti li jużaw karburanti bħall-elettriku, l-idroġenu, il-bijokarburanti (likwidi), il-karburanti sintetiċi, il-metan, inkluż il-gass naturali (CNG u LNG) u l-bijometan u l-gass likwifikat miż-żejt (LPG) li jservu, tal-anqas parzjalment, bħala sostitut għal sorsi ta’ żejt fossili fil-provvista tal-enerġija lit-trasport, jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tiegħu u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport;

(163)

‘bastiment’ tfisser struttura ta’ wiċċ il-baħar, sew jekk tmexxi lilha nfisha jew le, li jkollha buq ta’ spostament wieħed jew aktar;

(164)

‘bastiment tal-baħar’ tfisser bastimenti ta’ xort’ oħra minn dawk li jbaħħru esklużivament fl-ibħra interni jew fl-ibħra ta’ ġewwa, jew li jmissu ma’ ilmijiet imkennija;

(165)

‘bastimenti fuq passaġġi tal-ilma interni’ tfisser bastimenti maħsuba biss jew prinċipalment għan-navigazzjoni fil-passaġġi fuq l-ilma interni;

(166)

‘infrastrutturi ta’ ġbir tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija’ tfisser id-dħul fi kwalunkwe faċilità, li hija fissa, tifflowtja jew mobbli u kapaċi tirċievi l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u mill-fdalijiet tal-merkanzija kif definit fid-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***).

(*)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3)."

(**)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36)."

(***)  Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).”"

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (z) jinbidel b’dan li ġej:

“(z)

Għal għajnuna għall-investiment għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju: EUR 150 miljun għal kull proġett; l-għajnuna operatorja għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju: EUR 75 miljun kull impriża kull sena;”

(ii)

il-punti (dd). (ee) u (ff) li ġejjin huma miżjuda:

“(dd)

għal għajnuna għall-investiment għal ajruporti reġjonali: l-intensitajiet tal-għajnuna stabbiliti fl-Artikolu 56a(10) u (11);

(ee)

għal għajnuna għall-investiment għal portijiet marittimi: EUR 100 miljun għal kull proġett ta’ investiment uniku (jew EUR 120 miljun għal kull proġett ta’ investiment uniku f’port marittimu inklużi fil-pjan ta’ ħidma ta’ kuritur ta’ netwerk ewlieni kif imsemmi fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*));

(ff)

għal għajnuna għall-investiment għal portijiet interni: EUR 20 miljun għal kull proġett ta’ investiment singolu.

(*)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).”"

(4)

fl-Artikolu 5(2), huwa miżjud il-punt (k) li ġej:

“(k)

għajnuna fil-forma ta’ bejgħ jew kiri ta’ assi tanġibbli taħt ir-rati tas-suq fejn il-valur huwa stabbilit permezz ta’ evalwazzjoni minn esperti indipendenti qabel it-tranżazzjoni jew b’referenza għal punt ta’ riferiment disponibbli u aġġornat regolarment u ġeneralment aċċettat”.

(5)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

l-għajnuna operatorja reġjonali u l-għajnuna għall-iżvilupp urban reġjonali, fejn il-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Artikoli 15 u 16 ikunu ġew issodisfati;”

(b)

il-punt (d) jinbidel b’dan li ġej:

“(d)

l-għajnuna li tikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali biex jiġu impjegati ħaddiema b’diżabilità u għajnuna għall-kumpens tal-ispejjeż tal-assistenza pprovduta lil ħaddiema żvantaġġati, fejn il-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Artikoli 34 u 35 ikunu ġew issodisfati;”

(6)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-ammonti ta’ spejjeż eliġibbli jistgħu jiġu kkalkolati skont l-għażliet tal-ispejjeż issimplifikati previsti fl-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), sakemm l-operazzjoni hi mill-inqas finanzjata parzjalment permezz ta’ fond tal-Unjoni li tippermetti l-użu ta’ dawk l-opzjonijiet ta’ kost simplifikati u li din il-kategorija ta’ spejjeż hija eliġibbli skont id-dispożizzjoni ta’ eżenzjoni rilevanti.

(*)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).”"

(b)

fil-paragrafu 3, l-ewwel sentenza tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“L-għajnuna pagabbli fil-futur, inkluża għajnuna f’għadd ta’ pagamenti, tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata.”

(c)

Jitħassar il-paragrafu 4.

(7)

L-Artikoli 12 u 13 huma sostitwiti b’li ġej:

“Artikolu 12

Monitoraġġ

1.   Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja l-għajnuna eżentata min-notifika minn dan ir-Regolament, l-Istati Membri, jew inkella, f’każ li l-għajnuna tkun ingħatat lill-proġetti ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, l-Istat Membru li fih tinsab l-Awtorità Maniġerjali, iżommu rekords dettaljati bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni ta’ sostenn meħtieġa biex jistabbilixxu li ġew ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawn ir-rekords jinżammu għal 10 snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna ad hoc jew tkun ingħatat l-aħħar għajnuna skont l-iskema.

2.   Fil-każ ta’ skemi li fihom tingħata għajnuna fiskali fuq bażi awtomatika tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tal-benefiċjarji, u meta ma jkun sar ebda kontroll ex ante li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà kollha għal kull benefiċjarju, l-Istati Membri jivverifikaw b’mod regolari, darba kull sena fiskali, tal-inqas fuq bażi ex post u fuq bażi ta’ kampjun, li l-kundizzjonijiet kollha ta’ kompatibbiltà jiġu ssodisfati, u li jaslu għall-konklużjonijiet neċessarji. L-Istati Membri jżommu rekords dettaljati tal-kontrolli għal tal-inqas 10 snin mid-data tal-kontrolli.

3.   L-Istat Membru kkonċernat jipprovdi lill-Kummissjoni fi żmien 20 jum ta’ xogħol jew perjodu itwal skont kif jiġi stipulat fit-talba, bl-informazzjoni kollha u d-dokumentazzjoni ta’ sostenn li l-Kummissjoni tqis neċessarja biex tissorvelja l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluża l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 13

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-għajnuna reġjonali

Din it-Taqsima ma tapplikax għal:

(a)

għajnuna li tiffavorixxi attivitajiet fis-settur tal-azzar, fis-settur tal-faħam, fis-settur tal-bini tal-bastimenti u fis-settur tal-fibri sintetiċi;

(b)

għajnuna għas-settur tat-trasport kif ukoll l-infrastruttura relatata, il-ġenerazzjoni, id-distribuzzjoni u l-infrastruttura tal-enerġija ħlief għal skemi tal-għajnuna operatorja reġjonali;

(c)

għajnuna reġjonali fil-forma ta’ skemi li huma mmirati lejn għadd limitat ta’ setturi speċifiċi ta’ attività ekonomika; skemi mmirati lejn attivitajiet turistiċi, l-infrastrutturi broadband jew l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli mhumiex ikkunsidrati bħala mmirati lejn setturi speċifiċi tal-attività ekonomika;

(d)

għajnuna għall-investiment reġjonali individwali lil benefiċjarju li, fiż-żmien tal-applikazzjoni għall-għajnuna:

(i)

meta tintemm l-istess attività jew waħda simili fi stabbiliment fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra fil-Ftehim ŻEE fis-sentejn ta’ qabel jew,

(ii)

meta għandu [pjanijiet konkreti] li jagħlaq attività bħal din, f’perjodu li jibda mid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna sa sentejn wara li jkun tlesta l-investiment inizjali.

(e)

l-għajnuna operatorja reġjonali li tingħata lil intrapriżi li l-attività ewlenija tagħhom taqa’ taħt it-Taqsima K ‘Attivitajiet finanzjarji u ta’ assigurazzjoni’ tan-NACE Rev. 2 jew lil intrapriżi li jwettqu attivitajiet intragrupp li l-attività ewlenija tagħhom taqa’ taħt il-klassijiet 70.10 ‘Attivitajiet tal-uffiċċji ċentrali’ jew 70.22 ‘In-negozju u attivitajiet oħra ta’ konsulenza maniġerjali’ tan-NACE Rev. 2.”

(8)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 6, l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu hija sostitwita b’dan li ġej:

“Fil-każ ta’ akkwist tal-assi ta’ stabbiliment skont it-tifsira tal-punt 49 jew il-punt 51 tal-Artikolu 2, l-ispejjeż ta’ xiri tal-assi mingħand partijiet terzi mhux relatati max-xerrej biss jiġu kkunsidrati.”

(b)

fil-paragrafu 7, l-ewwel sentenza tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“Għal għajnuna mogħtija għal bidla fundamentali fil-proċess tal-produzzjoni, l-ispejjeż eliġibbli għandhom jaqbżu d-deprezzament tal-assi marbuta mal-attività li trid tiġi mmodernizzata matul it-tliet snin fiskali preċedenti.”

(9)

L-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 15

Għajnuna operatorja reġjonali

1.   L-iskemi operatorji ta’ għajnuna reġjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi u ż-żoni skarsament popolati jkunu kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u jkunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm jiġu milħuqa l-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I.

2.   F’żoni skarsament popolati, l-iskemi ta’ għajnuna operatorja reġjonali se jikkumpensaw għall-ispejjeż addizzjonali tat-trasport ta’ oġġetti li ġew prodotti fl-oqsma eliġibbli għal għajnuna operatorja, kif ukoll spejjeż addizzjonali tat-trasport ta’ oġġetti li jkunu pproċessati aktar f’dawn iż-żoni, bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-għajnuna hija kwantifikabbli oġġettivament bil-quddiem skont ammont fiss jew proporzjon għal kull tunnellata/kilometru jew xi unità oħra rilevanti;

(b)

l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport ikunu kkalkulati abbażi tal-vjaġġ tal-oġġetti ġewwa l-fruntieri nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ mezz ta’ trasport bl-inqas spejjeż għall-benefiċjarju.

L-intensità tal-għajnuna ma tkunx aktar minn 100 % tal-ispejjeż ta’ trasport addizzjonali stabbiliti f’dan il-paragrafu.

3.   F’żoni popolati skarsament ħafna, l-iskemi ta’ għajnuna operatorja reġjonali se jipprevjenu jew inaqqsu d-depopolazzjoni taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-benefiċjarji ikollhom l-attività ekonomika tagħhom fiż-żona kkonċernata;

(b)

l-ammont annwali ta’ għajnuna għal kull benefiċjarju taħt l-iskemi kollha ta’ għajnuna operatorja ma tkunx taqbeż l-20 % tal-ispejjeż tax-xogħol annwali mġarrba mill-benefiċjarju fiż-żona kkonċernata.

4.   Fir-reġjuni ultraperiferiċi, skemi ta’ għajnuna operatorja jikkumpensaw għal spejjeż operatorji addizzjonali mġarrba fir-reġjuni ultraperiferiċi bħala effett dirett ta’ wieħed jew aktar mill-iżvantaġġi msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat, fejn il-benefiċjarji jkollhom l-attività ekonomika tagħhom f’reġjun ultraperiferiku sakemm l-ammont ta’ għajnuna annwali għal kull benefiċjarju taħt l-iskemi kollha ta’ għajnuna operatorja implimentati taħt dan ir-Regolament ma jaqbiżx wieħed mill-persentaġġi li ġejjin:

(a)

[25 %] tal-valur miżjud gross maħluq annwalment mill-benefiċjarju fir-reġjun l-aktar imbiegħed ikkonċernat;

(b)

[30 %] tal-ispiża lavorattiva annwali magħmula mill-benefiċjarju fir- reġjun ultraperiferiku kkonċernat;

(c)

[20 %] tal-introjtu nett annwali tal-benefiċjarju magħmul mill-benefiċjarju fir-reġjun l-aktar imbiegħed ikkonċernat.

Dawn il-perċentwali jistgħu jiżdiedu b’ [10 punti perċentwali] għal impriżi b’fatturat annwali ta’ mhux iktar minn [EUR 300 000].”

(10)

fl-Artikolu 21(16), il-frażi tal-bidu hija sostitwita b’dan li ġej:

“Miżura ta’ finanzjament ta’ riskju li tipprovdi garanziji jew self lill-intrapriżi eliġibbli jew tipprovdi investiment ta’ kważi ekwità bħala dejn lil intrapriżi eliġibbli, tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:”

(11)

fl-Artikolu 22 il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“Impriżi eliġibbli jkunu intrapriżi żgħar mhux elenkati sa massimu ta’ ħames snin wara r-reġistrazzjoni tagħhom, dment li l-intrapriża tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ma tkunx wirtet biss l-attività ta’ intrapriża oħra;

(b)

tkun għadha ma distribwitx profitti;

(c)

ma tkunx ġiet imwaqqfa permezz ta’ fużjoni.

Għal intrapriżi eliġibbli li mhumiex soġġetti għal reġistrazzjoni, il-perjodu ta’ eliġibbiltà ta’ ħames snin jista’ jiġi kkunsidrat li jibda mill-mument meta l-intrapriża jew tibda l-attività ekonomika tagħha jew hija soġġetta għat-taxxa minħabba l-attività ekonomika tagħha.

B’deroga mill-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, l-intrapriżi ffurmati permezz ta’ fużjoni bejn intrapriżi eliġibbli għall-għajnuna skont dan l-Artikolu għandhom ukoll jitqiesu bħala intrapriżi eliġibbli sa ħames snin mid-data tar-reġistrazzjoni mill-eqdem intrapriża li tipparteċipa fil-fużjoni.”

(12)

fl-Artikolu 31(3), il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

l-ispejjeż operatorji tal-ħarrieġ u tal-apprendisti relatati direttament mal-proġett ta’ taħriġ bħal spejjeż tal-ivvjaġġar, materjal u fornimenti relatati direttament mal-proġett, id-deprezzament ta’ għodda u ta’ tagħmir, sakemm jintużaw esklussivament għall-proġett ta’ taħriġ.”

(13)

fl-Artikolu 52, jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.

Bħala alternattiva għall-istabbiliment ta’ spejjeż eliġibbli kif ipprovdut fil-paragrafu 2, l-ammont massimu ta’ għajnuna għal proġett jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ proċess ta’ għażla kompetittiva kif meħtieġ mill-paragrafu 4.”

(14)

L-Artikolu 53 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

mużewijiet, arkivji, libreriji, ċentri jew spażji artistiċi u kulturali, teatri, ċinemas, teatri tal-opra, swali tal-kunċerti, organizzazzjonijiet oħra ta’ spettaklu, istituzzjonijiet tal-patrimonju tal-films u infrastrutturi artistiċi u kulturali, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet oħrajn simili;”

(b)

fil-paragrafu 6, titħassar it-tielet sentenza;

(c)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.

Għal għajnuna li ma taqbiżx iż-EUR 2 miljun, l-ammont massimu ta’ għajnuna jista’ jiġi stabbilit, alternattivament għall-metodu msemmi f’paragrafi 6 u 7, bi 80 % tal-ispejjeż eliġibbli.”

(d)

fil-paragrafu 9, l-ewwel sentenza tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“Għall-attivitajiet definiti fil-paragrafu 2(f), l-ammont massimu ta’ għajnuna ma jaqbeż la d-differenza bejn l-ispejjeż eliġibbli u d-dħul skontat tal-proġett u lanqas is-70 % tal-ispejjeż eliġibbli.”

(15)

Fl-Artikolu 54(4), it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Fiż-żewġ każijiet, in-nefqa massima soġġetta għan-nefqa territorjali fl-ebda każ ma tkun aktar minn 80 % tal-baġit globali tal-produzzjoni.

Sabiex il-proġetti jkunu eliġibbli għall-għajnuna, Stat Membru jista’ jitlob ukoll livell minimu ta’ attività ta’ produzzjoni fit-territorju kkonċernat, iżda dak il-livell ma jaqbiżx il-50 % tal-baġit globali tal-produzzjoni.”

(16)

It-taqsimiet li ġejjin huma inseriti wara l-Artikolu 56:

“TAQSIMA 14

Għajnuna għal ajruporti reġjonali

Artikolu 56a

Għajnuna għall-investiment għal ajruporti reġjonali

1.   L-għajnuna għall-investiment għal ajruport tal-avjazzjoni se tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u f’Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-investiment ikkonċernat ma għandux jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex jiġi akkomodat it-traffiku fuq terminu medju mistenni, abbażi ta’ previżjonijiet tat-traffiku raġonevoli.

3.   L-ajruport għandu jkun miftuħ għall-utenti potenzjali kollha. Fil-każ ta’ limitazzjoni fiżika tal-kapaċità, l-allokazzjoni ssir fuq il-bażi ta’ kriterji pertinenti, objettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

4.   L-għajnuna ma tingħatax lil ajruport li jinsab 100 kilometru ‘l bogħod jew 60 minuta ta’ vvjaġġar bil-karozza, bix-xarabank, ferrovija jew ferrovija ta’ velocità għolja minn ajruport eżistenti minn liema jitħaddmu servizzi tal-ajru skedati, fis-sens tal-Artikolu 2(16) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

5.   L-għajnuna ma tingħatax lil ajruporti bi traffiku tal-passiġġieri annwali medju ta’ aktar minn tliet miljun passiġġier matul is-sentejn finanzjarji ta’ qabel dik li fiha l-għajnuna hi effettivament mogħtija. L-għajnuna ma tkunx mistennija li tirriżulta f’żieda fit-traffiku annwali medju tal-ajruport għal iktar minn tliet miljun passiġġier fi żmien sentejn finanzjarji wara l-għoti tal-għajnuna.

6.   Din l-għajnuna ma tingħatax lil ajruporti bi traffiku annwali medju ‘l fuq minn 200 000 tunnellata ta’ merkanzija matul is-sentejn finanzjarji li jippreċedu s-sena li fiha l-għajnuna tkun effettivament mogħtja. Dan ma japplikax ukoll fejn l-għajnuna tkun mistennija li twassal għal żieda tat-traffiku tal-ajruport tal-merkanzija annwali medju ‘l fuq minn 200 000 tunnellata fi żmien sentejn finanzjarji wara l-għoti tal-għajnuna.

7.   L-għajnuna ma tingħatax għal rilokazzjoni tal-ajruporti eżistenti jew il-ħolqien ta’ ajruport tal-passiġġieri ġdid, inkluża l-konverżjoni ta’ mitjar eżistenti f’ajruport tal-passiġġieri.

8.   L-ammont ta’ għajnuna ma jaqbiżx id-differenza bejn l-ispejjeż eliġibbli u l-introjtu operatorju tal-investiment. L-introjtu operatorju jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli ex ante, abbażi ta’ tbassir raġonevoli, jew permezz ta’ mekkaniżmu ta’ rkupru.

9.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż relatati mal-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport, inklużi l-ispejjeż tal-ippjanar.

10.   L-ammont tal-għajnuna ma jaqbiżx:

(a)

il-50 % tal-ispejjeż eleġibbli għal ajruporti bi traffiku tal-passiġġieri annwali medju ta’ miljun sa tliet miljun passiġġier matul is-sentejn finanzjarji ta’ qabel dik li fiha l-għajnuna hi effettivament mogħtija;

(b)

75 % tal-ispejjeż eliġibbli għal ajruporti b’traffiku medju annwali ta’ passiġġieri sa miljun passiġġier matul l-aħħar sentejn finanzjarji qabel is-sena meta l-għajnuna tkun ingħatat.

11.   L-intensitajiet massimi tal-għajnuna jistgħu jiġu miżjuda b’20 punt perċentwali għal ajruporti li jinsabu f’reġjuni remoti.

12.   Il-paragrafi 2 u 4 ma japplikawx għal ajruporti bi traffiku tal-passiġġieri annwali medju li jasal sa 150 000 passiġġier matul is-sentejn finanzjarji ta’ qabel dik li fiha l-għajnuna hi attwalment mogħtija jekk l-għajnuna mhix mistennija tikkawża żieda fit-traffiku annwali tal-passiġġieri tal-ajruport għal aktar minn 150 000 passiġġier. Għajnuna mogħtija lil ajruporti bħal dawn għandha tkun konformi mal-paragrafu 8 jew mal-paragrafi 10 u 11.

TAQSIMA 15

Għajnuna għal portijiet

Artikolu 56b

Għajnuna għall-investiment għal portijiet marittimi

1.   L-għajnuna għall-investiment għal portijiet marittimi għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u f’Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż ta’ ippjanar, ta’ investimenti:

(a)

għall-kostruzzjoni, it-tibdil jew tiġdid ta’ infrastrutturi ta’ portijiet marittimi; kif ukoll

(b)

għall-kostruzzjoni, tibdil jew tiġdid ta’ infrastruttura ta’ aċċess fiż-żona tal-port. Dan jinkludi tħammil fiż-żona tal-port, bl-eċċezzjoni tat-tħammil ta’ manutenzjoni.

3.   L-ispejjeż ta’ investiment relatati ma’ attivitajiet li ma kinux relatati mat-trasport, inklużi faċilitajiet ta’ produzzjoni industrijali attivi fil-perimetru tal-port, għall-uffiċċji jew ħwienet, kif ukoll għal superstrutturi m’għandhomx ikunu spejjeż eleġibbli.

4.   L-intensità ta’ għajnuna ma taqbiżx id-differenza bejn l-ispejjeż eliġibbli u l-introjtu operatorju tal-investiment. L-introjtu operatorju jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli ex ante, abbażi ta’ tbassir raġonevoli, jew permezz ta’ mekkaniżmu ta’ rkupru.

5.   L-ammont massimu tal-għajnuna għall-investimenti definita fil-paragrafu 2 (a) ma jkunx aktar minn:

(a)

100 % tal-ispejjeż eliġibbli fejn l-ispejjeż eliġibbli huma sa EUR 20 miljun;

(b)

80 % tal-ispejjeż eleġibbli fejn l-ispejjeż eliġibbli huma iktar minn EUR 20 miljun u sa EUR 50 miljun;

(c)

50 % tal-ispejjeż eleġibbli fejn l-ispejjeż eliġibbli huma iktar minn EUR 50 miljun u sa EUR 100 miljun;

(d)

50 % tal-ispejjż eleġibbli fejn l-ispejjeż eliġibbli huma sa EUR 120 miljun għall-portijiet marittimi inklużi fil-pjan ta’ ħidma ta’ kuritur ta’ netwerk ewlieni kif hemm riferut fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013.

L-intensità massima tal-għajnuna għall-investimenti definita fil-paragrafu 2 (b) ma taqbiżx 100 % tal-ispejjeż eliġibbli;

6.   L-intensitajiet tal-għajnuna mniżżlin fil-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 jistgħu jiżdiedu b’10 punti perċentwali għall-investimenti li jinsabu f’żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat u b’5 punti perċentwali għall-investimenti li jinstabu f’żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

7.   Kull investiment mgħejun li nbeda mill-istess benefiċjarju f’perjodu ta’ tliet snin mill-bidu tax-xogħlijiet fuq investiment megħjun ieħor, fl-istess port marittimu, jiġi meqjus bħala parti minn proġett ta’ investiment wieħed.

8.   Kull konċessjoni jew inkarigu ieħor lil parti terza biex tibni, ittejjeb u/jew topera jew tikri l-infrastruttura ta’ port megħjun għandha tingħata fuq bażi kompetittiva, trasparenti, mhux diskriminatorja u mhux kondizzjonata. It-tul ta’ kull konċessjoni jew inkarigu ieħor għall-kiri jew l-operat tal-infrastruttura tal-portijiet megħjuna lil parti terza ma għandux jaqbeż iż-żmien li din il-parti terza tista’ b’mod raġonevoli tkun mistennija li tieħu biex tiġbor l-investimenti mwettqa fl-operazzjonijiet tax-xogħlijiet jew tas-servizzi flimkien ma’ redditu fuq il-kapital investit b’kunsiderazzjoni tal-investimenti meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi kuntrattwali speċifiċi.

9.   L-infrastruttura tal-portijiet megħjuna għandha tkun disponibbli għal utenti interessati fuq bażi ugwali u mhux diskriminatorja fuq termini tas-suq.

10.   Għal għajnuna li ma taqbiżx il-EUR 5 miljun, l-ammont massimu ta’ għajnuna jista’ jiġi stabbilit għal 80 % tal-ispejjeż eliġibbli, alternattivament għall-metodu msemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6.

Artikolu 56c

Għajnuna għall-investiment għal portijiet interni

1.   L-għajnuna għall-investiment għal portijiet interni għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u f’Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-ippjanar, tal-investimenti:

(a)

għall-kostruzzjoni jew tiġdid ta’ infrastrutturi ta’ portijiet interni; kif ukoll

(b)

għall-kostruzzjoni, tibdil jew tiġdid ta’ infrastruttura ta’ aċċess fiż-żona tal-port. Dan jinkludi tħammil fiż-żona tal-port, bl-eċċezzjoni tat-tħammil ta’ manutenzjoni.

3.   L-ispejjeż ta’ investiment relatati ma’ attivitajiet li ma kinux relatati mat-trasport, inklużi faċilitajiet ta’ produzzjoni industrijali attivi fil-perimetru tal-port, għall-uffiċċji jew ħwienet, kif ukoll għal superstrutturi ma għandhomx ikunu eleġibbli.

4.   L-ammont ta’ għajnuna ma għandux jaqbeż id-differenza bejn l-ispejjeż eliġibbli u l-introjtu operatorju tal-investiment. L-introjtu operatorju għandu jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli ex ante, abbażi ta’ tbassir raġonevoli, jew permezz ta’ mekkaniżmu ta’ rkupru.

5.   L-intensità massima tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

6.   Kull investiment inizjali megħjun li nbeda mill-istess benefiċjarju f’perjodu ta’ [tliet] snin mill-bidu tax-xogħlijiet fuq investiment megħjun ieħor fl-istess port intern, jiġi meqjus bħala parti minn proġett ta’ investiment wieħed.

7.   Kull konċessjoni jew inkarigu ieħor lil parti terza biex tibni, ittejjeb u/jew topera jew tikri l-infrastruttura ta’ port megħjun għandha tingħata fuq bażi kompetittiva, trasparenti, mhux diskriminatorja u mhux kondizzjonata. It-tul ta’ kull konċessjoni jew inkarigu ieħor għall-kiri jew l-operat tal-infrastruttura tal-portijiet megħjuna lil parti terza ma għandux jaqbeż iż-żmien li din il-parti terza tista’ b’mod raġonevoli tkun mistennija li tieħu biex tiġbor l-investimenti mwettqa fl-operazzjonijiet tax-xogħlijiet jew tas-servizzi flimkien ma’ redditu fuq il-kapital investit b’kunsiderazzjoni tal-investimenti meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi kuntrattwali speċifiċi.

8.   L-infrastruttura tal-portijiet megħjuna għandha tkun disponibbli għal utenti interessati fuq bażi ugwali u mhux diskriminatorja fuq termini tas-suq.

9.   Għal għajnuna li ma taqbiżx iż--EUR 2 miljun, l-ammont massimu ta’ għajnuna jista’ jiġi stabbilit għal 80 % tal-ispejjeż eliġibbli, alternattivament għall-metodu msemmi fil-paragrafi 4 u 5.”

(17)

Fl-Artikolu 58, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.

Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna individwali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, fejn l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 9.”

Artikolu 2

L-Annessi tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness II huwa ssostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

[Fl-Anness II (skeda ta’ informazzjoni li għandha tintbagħat mill-Istat Membru), entrati ġodda jinħolqu f’parti II għal kategoriji ġodda ta’ għajnuna (għajnuna għall-investiment għal ajruporti, portijiet marittimi u portijiet interni) u l-annotazzjoni dwar l-għajnuna lill-SMEs (l-Artikoli minn 17 sa 20) se tinqasam f’entrati differenti (skont l-Artikolu).]

(2)

Fl-Anness II, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 tinbidel b’dan li ġej:

“2.

Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).”

(3)

Fl-Anness III, l-ewwel sentenza tan-nota f’qiegħ il-paġna 3 tinbidel b’dan li ġej:

“L-ekwivalenti gross tas-sovvenzjoni, jew għal miżuri skont l-Artikoli 16, 21, 22 jew 39 ta’ dan ir-Regolament, l-ammont ta’ investiment.”

Artikolu 3

Fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-ammonti ta’ spejjeż eliġibbli li jistgħu jiġu kkalkolati skont l-għażliet tal-ispejjeż issimplifikati previsti fl-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), sakemm l-operazzjoni hi mill-inqas finanzjata parzjalment permezz tal-FAEŻR u li din il-kategorija ta’ spejjeż hija eliġibbli skont id-dispożizzjoni ta’ eżenzjoni rilevanti.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kummissjoni

Il-President


(1)  ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(3)  ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3.

(4)  COM(2011) 144.

(5)  COM(2013) 295.

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

15.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 382/14


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-14 ta’ Ottubru 2016

(2016/C 382/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1002

JPY

Yen Ġappuniż

114,76

DKK

Krona Daniża

7,4398

GBP

Lira Sterlina

0,89910

SEK

Krona Żvediża

9,7068

CHF

Frank Żvizzeru

1,0889

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,0248

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,029

HUF

Forint Ungeriż

305,31

PLN

Zloty Pollakk

4,3020

RON

Leu Rumen

4,5040

TRY

Lira Turka

3,3969

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4421

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4485

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,5363

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5508

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5263

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 246,06

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

15,6303

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,4000

HRK

Kuna Kroata

7,5073

IDR

Rupiah Indoneżjan

14 358,56

MYR

Ringgit Malażjan

4,6128

PHP

Peso Filippin

53,227

RUB

Rouble Russu

69,2807

THB

Baht Tajlandiż

38,804

BRL

Real Brażiljan

3,4994

MXN

Peso Messikan

20,8448

INR

Rupi Indjan

73,4380


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

15.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 382/15


Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 5(2)

Stabbiliment ta' Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT)

(Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19))

(2016/C 382/03)

I.1.   Isem, indirizz u punt ta' kuntatt

Isem reġistrat: Eisenbahnneubaustrecke Dresden-Prag EVTZ (REKT Rinnovazzjoni tal-linja ferrovjarja Dresde-Praga)

Sede:

Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi, l-Impjiegi u t-Trasport tal-Istat Ħieles ta’ Sassonja

Wilhem-Buck-Str. 2, 01097 Dresde, il-Ġermanja

Punt ta’ Kuntatt: is-Sinjura Petra Heldt Tel.: +49 3515648671

Posta elettronika: Petra.Heldt@smwa.sachsen.de

Indirizz tal-internet tar-raggruppament:

I.2.   Tul ta' żmien tar-raggruppament:

Tul ta' żmien tar-raggruppament: perjodu indefinit

Data tar-reġistrazzjoni:

Data tal-pubblikazzjoni:

II.   GĦANIJIET

Ir-REKT għandu l-għan li jagħmel xogħlijiet ta’ tħejjija u ta’ appoġġ sabiex iwettaq il-proġett ta’ rinnovazzjoni tal-linja ferrovjarja Dresde-Praga, destinata għat-trasport tal-merkanzija u tal-persuni. Għal dan il-għan ir-REKT ser jikkostitwixxi struttura organizzattiva stabbli, li għandha tippermetti lill-membri tiegħu li jiffaċilitaw u jippromovu l-kooperazzjoni territorjali u transkonfinali tagħhom, kif ukoll li jsaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħhom. Ir-REKT huwa prinċipalment responsabbli mill-kompiti li ġejjin:

jagħti appoġġ fl-oqsma tal-politika, tekniku, organizzattiv u tal-komunikazzjoni lill-awtoritajiet u lill-persuni responsabbli nazzjonali li jridu jieħdu deċiżjoni dwar l-attività ta’ tlestija tal-proġett;

jikkoordina x-xogħol tat-tħejjija u tal-ħolqien tal-proġett;

jiżviluppa r-relazzjonijiet pubbliċi bil-għan li jikseb appoġġ kbir mill-pubbliku ġenerali sabiex jitwettaq il-proġett;

japprofondixxi l-kooperazzjoni transkonfinali fir-rigward tal-modi tat-trasport li jagħmlu parti mill-kuritur “Orjent/Lvant tal-Mediterran” bil-għan li titjib il-konnessjoni tagħhom;

jiġbed għotjiet sabiex jiġi ffinanzjat il-proġett.

III.   DETTALJI KOMPLEMENTARI DWAR L-ISEM

L-isem bl-Ingliż:

L-isem bil-Franċiż:

IV.   MEMBRI

IV.1.   Numru totali ta' membri fir-raggruppament: 4

IV.2.   Nazzjonalitajiet tal-membri tar-raggruppament: Ġermanja, Repubblika Ċeka

IV.3.   Informazzjoni dwar il-membri

Isem uffiċċjali: Stat Ħieles ta’ Sassonja, rappreżentat mill-Ministru tiegħu għall-Affarijiet Ekonomiċi, l-Impjiegi u t-Trasport

Indirizz postali:

Indirizz elettroniku: www.smwa.sachsen.de

Tip ta' membru: awtorità reġjonali

Isem uffiċjali: Repubblika Ċeka, irrappreżentata mill-Ministru għat-Trasport

Indirizz postali:

Indirizz elettroniku: www.mdcr.cz

Tip ta' membru: Stat Membru

Isem uffiċjali: Distrett tal-Isvizzera Sassonja-Osterzgebirge

Indirizz postali:

Indirizz elettroniku: www.landratsamt-pirna.de

Tip ta' membru: awtorità reġjonali

Isem uffiċjali: Amministrazzjoni reġjonali ta’ Ústí (Distrett ta’ Usti)

Indirizz postali:

Indirizz elettroniku: www.kr-ustecky.cz

Tip ta' membru: awtorità reġjonali


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

15.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 382/17


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8083 — Merck/Sanofi Pasteur MSD)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 382/04)

1.

Fis-7 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha Merck &Co., Inc. (“Merck”, l-Istati Uniti tal-Amerka) takkwista fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll esklużiv ta’ Sanofi Pasteur MSD SNC (“SPMSD”, Franza), li hija attwalment ikkontrollata b’mod konġunt minn Merck u Sanofi Pasteur SA, permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal Merck: kumpanija tal-kura tas-saħħa attiva globalment fil-qasam tal-farmaċewtika inklużi trattamenti kontra d-dijabete, il-kanċer, tilqim, u kura akuta fl-isptarijiet, is-saħħa tal-annimali, alleanzi u servizzi ta’ kura tas-saħħa,

—   għal SPMSD: attiva fl-iżvilupp u fil-kummerċjalizzazzjoni tat-tilqim għal bniedem fi 18-il pajjiż taż-ŻEE.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni jirriżultalha li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), jenħtieġ li tittieħed nota tal-fatt li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati sabiex iressqu l-osservazzjonijiet li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

L-osservazzjonijiet iridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. L-osservazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-faks (+32 22964301), bl-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, bir-referenza M.8083 — Merck/Sanofi Pasteur MSD, fl-indirizz segwenti:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


15.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 382/18


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8102 — Valeo/FTE Group)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 382/05)

1.

Fl-10 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tiegħu Valeo Holding GmbH (il-Ġermanja) ikkontrollata minn Valeo SA (“Valeo”, Franza) takkwista, fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll sħiħ ta’ FTE Group Holding GmbH (“FTE”, il-Ġermanja) permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal Valeo: it-tfassil, il-manifattura u l-bejgħ ta’ tagħmir awtomobilistiku, inkluż, b’mod partikolari, sistemi termali, sistemi ta’ motopropulsjoni, sistemi ta’ kumdità u assistenza fis-sewqan, u sistemi ta’ viżibilità,

—   għal FTE: it-tfassil, il-manifattura u l-bejgħ ta’ (i) prodotti ta’ attivazzjoni tal-klaċċ; (ii) prodotti ta’ attivazzjoni tal-brejkijiet; (iii) pompi taż-żejt tat-trażmissjoni elettrika u komponenti oħrajn għall-gerboksijiet u motopropulsjoni bbażata fuq teknoloġija elettroidrawlika. FTE hija attiva wkoll fir-rimanifatturazzjoni ta’ kalipers tal-brejkijiet.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni nnotifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati jressqu l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-faks (+32 22964301) jew bl-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, bir-referenza M.8102 — Valeo/FTE Group, f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

15.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 382/19


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 382/06)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA

“TRADITIONALLY REARED PEDIGREE WELSH PORK”

Nru tal-UE: UK-TSG-0007-01396 – 27.10.2015

“IR-RENJU UNIT”

1.   Isem(ismijiet) li se jiġi/u reġistrat(i)

“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork”

2.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.1. Laħam frisk (u l-ġewwieni)

3.   Raġunijiet għar-reġistrazzjoni

3.1.   Jekk il-prodott

jirriżulta minn metodu tal-produzzjoni, tal-ipproċessar jew tal-kompożizzjoni li jikkorrispondi mal-prattika tradizzjonali għal dak il-prodott jew dak l-oġġett tal-ikel

huwa magħmul minn materja prima jew ingredjenti li jintużaw tradizzjonalment.

It-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” joriġina mill-ħnieżer imrobbija skont metodu ta’ produzzjoni li huwa prattika tradizzjonali. Il-metodu tal-produzzjoni bi trobbija tradizzjonali jippermetti rata ta’ tkabbir inqas mgħaġġla u iktar naturali waqt li jagħti prijorità li jiġu mminimizzati l-livelli ta’ stress u standards għoljn ta’ trattament xieraq tal-annimali.

3.2.   Jekk l-isem:

intuża tradizzjonalment biex jirreferi għall-prodott speċifiku

jidentifika l-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott

Il-karatteristiċi uniċi tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” elenkati hawn taħt jagħtu l-karattru speċifiku tiegħu lill-prodott.

Il-karkassa

Muskolu tal-qalba tal-lojn żviluppat tajjeb u l-qies twil tal-lojn

Koxox bin-natki żviluppati tajjeb

Sonża tad-dahar minima ta’ 10 mm b’piż tal-karkassa ta’ > 50 kg (piż mejjet) u sonża tad-dahar minima ta’ 14 mm b’piż tqil > 75 kg (piż mejjet)

Ta’ lewn ċar iżda li jiskura hekk kif il-ħanżir jilħaq piżijiet tal-qtil ikbar

Meta jissajjar

Togħma delikata u aroma bnina li jiżviluppaw fil-maturità

Tari minħabba l-livelli globali ogħla ta’ sonża fil-laħam.

Dawn il-karatteristiċi jinkisbu minn kombinazzjoni ta’ żewġ elementi: il-metodu tal-produzzjoni bi trobbija tradizzjonali; u l-fatt li l-ħnieżer iridu jkunu Pedigree Welsh Pigs. Ir-razza Pedigree Welsh għandha storja twila ta’ trobbija selettiva sakemm inkisbu l-kwalitajiet partikolari tal-karkassa u l-kwalitajiet speċifiċi tal-ikel.

4.   Deskrizzjoni

4.1.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem taħt il-punt 1, li tinkludi l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi prinċipali tiegħu li juru l-karattru speċifiku tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

It-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” huwa laħam tal-majjal minn Ħnieżer Pedigree Welsh li jitrabbew skont sistema tradizzjonali tal-produzzjoni. Il-karkassa tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” hija magħrufa għall-bilanċ tajjeb għat-tqattigħ tagħha li jipprovdi muskolu tal-qalba tal-lojn tajjeb, qies twil tal-lojn u koxox żviluppati sew. Għandu livell għoli ta’ toqol tal-karkassa b’minimu ta’ 65 % tat-toqol tal-annimal ħaj, u jikklassifika tajjeb f’kull piż. It-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” għandu t-tendenza li jakkumula s-sonża iżda mhux b’mod eċċessiv, bi ħxuna minima ta’ sonża tad-dahar ta’ 10 mm meta l-ħanżir jilħaq il-piż normali tal-qatla, u ta’ 14 mm f’piżijiet itqal (piż mejjet ta’ 75 kg). Il-laħam huwa ta’ lewn ċar iddefinit minn analiżi indipendenti tal-miter kromatiku li tiddeskrivih bħala laħam b’valuri ta’ aħmar u isfar baxxi li jagħtu lewn ta’ laħam inqas skur. Dan il-lewn tal-laħam jiskura hekk kif il-ħanżir jilħaq piżijiet ikbar tal-qatla u f’dawn il-piżijiet tal-qatla ogħla l-vini tas-sonża ta’ bejn il-muskoli jkunu iktar viżibbli (jitraħħam) mingħajr ma titrabba wisq sonża fuq id-dahar.

Meta jissajjar, il-laħam għandu togħma delikata u sukkulenti ta’ majjal u aroma bnina, u dawn iż-żewġ karatteristiċi jiżviluppaw fil-maturità. Il-majjal huwa tari ħafna minħabba l-livelli globali ogħla ta’ sonża fil-laħam. Minħabba l-livelli ogħla ta’ sonża naturali tal-majjal dan jista’ jkollu telf ogħla waqt it-tisjir li jvarja skont il-qatgħa tal-laħam.

Dejta tal-kompożizzjoni

Kejl kalorifiku

> 300 kcals/100 g

Sonża tad-dahar:

Minimu ta’ 10 mm (b’piż tal-qatla ta’ > 50 kg (piż mejjet)

Minimu ta’ 14 mm (b’piżijiet itqal > 75 kg (piż mejjet)

Dawn il-kwalitajiet tal-ikel distintivi u uniċi jinkisbu minn kombinazzjoni ta’:

L-istorja twila tar-razza Pedigree Welsh u l-istorja tagħha ta’ trobbija selettiva għal dawn il-kwalitajiet partikolari tal-karkassa u tal-ikel

Il-metodi tal-produzzjoni bi trobbija tradizzjonali li jagħtu prijorità li jiġu minimizzati l-livelli ta’ stress, u standards għoljin ta’ trattament tal-annimali u jippermettu rata ta’ tkabbir naturali inqas mgħaġġla.

Waqt li t-titolu jirreferi għall-kelma “majjal”, din l-applikazzjoni tapplika għal-laħam kollu maqtugħ mill-karkassa u l-ġewwieni tiegħu.

4.2.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1 li għandhom isegwu l-produtturi, li tinkludi, fejn hu rilevanti, in-natura u l-karatteristiċi tal-materja prima jew tal-ingredjenti li jintużaw, kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu jitħejja l-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

It-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” jitrabba bl-użu ta’ prattiki tradizzjonali speċifiċi li huma differenti ħafna mis-sistemi kummerċjali konvenzjonali tal-produzzjoni.

It-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” huwa laħam tal-majjal li jiġi prodott biss minn Ħnieżer tal-Welsh Pedigree nnotifikati mit-twelid. Il-ħnieżer kollha jridu jiġu nnotifikati mit-twelid mal-Assoċjazzjoni Brittanika tal-Ħnieżer jew ma’ assoċjazzjoni ta’ dawk li jrabbu l-ħnieżer li jżommu ktieb tal-merħliet tal-Ħnieżer tal-Welsh Pedigree. Kull annimal jista’ jiġi identifikat permezz ta’ tatwaġġ individwali fuq widintu, li jipprovdi awtentiċità u livell għoli ta’ traċċabilità.

L-għalf

Il-ħnieżer tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” isegwu reġim ta’ alimentazzjoni tradizzjonali. Il-ħnieżer jitrabbew fuq dieta b’livell baxx ta’ proteini li fiha l-perċentwal ta’ proteini tal-għalf mixtri ma jaqbiżx l-20 % ta’ wara l-perjodu ta’ fatam. Il-livelli baxxi ta’ proteina fil-prattika tal-alimentazzjoni tradizzjonali kkumbinati mar-rata ta’ tkabbir naturali inqas mgħaġġla tar-razza jikkontribwixxu għal żieda medja ta’ kuljum inqas fil-piż ħaj meta mqabbel mas-sistemi moderni ta’ produzzjoni. It-tendenza tar-razza li takkumula iktar sonża tikkontribwixxi wkoll għal tnaqqis fl-effiċjenza tal-konverżjoni tal-għalf f’laħam dgħif.

L-għalf li jintuża normalment huwa taħlita ta’ għalf pur issupplimentat b’għalf kompost. Fejn hu possibbli, l-għalf pur jitkabbar fir-razzett jew, jekk ikun fattibbli, jinkiseb lokalment. Meta l-ħnieżer jinżammu f’“tyddyn” (impriża żgħira), tradizzjonalment l-għalf tagħhom ta’ spiss jiġi ssupplimentat b’koprodotti tal-ikel. Dawn jinkludu x-xorrox u l-iskart tal-ħalib mill-industrija tal-ħalib, il-ħmira u l-iskart tal-birrara mill-industrija tal-birra u skart tal-ħobż, taċ-ċereali u tal-gallettini mitħuna. Id-dieti jiġu ssupplimentati wkoll b’għelejjel tal-ħuxlief u foraġġ u xi drabi tiġi adottata t-tradizzjoni medjevali tal-pannage fejn il-ħnieżer jirgħu fil-boskijiet u jieklu l-ġandar u ġewż u frott ieħor tal-istaġun. Kull meta jkun possibbli, l-alternattivi għas-sojja għandhom jinkisbu mill-UE, bħal żerriegħa tar-rapa mitħuna, fażola tal-għelieqi, ġirasol u/jew piżelli mitħuna. L-addittivi sintetiċi tad-dieta u l-promoturi tat-tkabbir mhumiex permessi.

L-ambjent

It-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” joriġina mill-Ħnieżer tal-Welsh Pedigree li jikkonformaw mal-prattika tradizzjonali tat-trobbija fejn dawn jitrabbew b’mod estensiv u jingħataw ambjent tat-trobbija naturali li jippermetti rata tat-tkabbir naturali u stress minimu.

It-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” joriġina minn ħnieżer b’saħħithom li jitrabbew b’mod estensiv kemm ġewwa kif ukoll barra. Is-sistemi kollha tat-trobbija jridu josservaw standard għoli ta’ trattament xieraq (li jilħaq l-istandard tal-Freedom Food tal-RSPCA jew ta’ skemi ekwivalenti). Barra minn hekk, kull impriża trid issegwi l-Kodiċi tar-Rakkomandazzjonijiet għat-Trattament Xieraq tal-Bhejjem: Skemi għall-ħnieżer jew skemi ekwivalenti.

Trobbija Estensiva fil-Beraħ; - Meta jitrabbew fil-beraħ, il-ħnieżer iridu jinżammu f’rata massima tal-istokkjar ta’ 30 ħanżira f’kull ettaru u fi spazju minimu tal-magħlaq ta’ 40 metru kwadru għal kull ħanżir imsemmen (mill-perjodu tal-fatam sat-tħaxxin ta’ qabel il-qatla).

Trobbija Estensiva fil-Magħluq; - Meta jitrabbew b’mod estensiv fil-magħluq, il-ħnieżer nisa jridu jinżammu fi btieħi bit-tiben bi spazju ta’ art minimu ta’ 3,5 metri kwadri għal kull ħanżira u 1,54 metri kwadri għal kull ħanżir li jkun qed jitħaxxen għall-qatla. It-trobbija f’magħlaq magħmul kompletament bil-paletti mhuwiex permess.

It-trobbija tal-annimali

Il-ħnieżer kollha li jipproduċu t-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” iridu jikkonformaw ma’ prattiki ta’ trobbija tradizzjonali bħal:

Età tal-fatam minima ta’ bejn 6 u 8 ġimgħat.

Il-prattiki ta’ trobbija intensiva moderna li jinkludu l-qtugħ tas-snien, iċ-ċrieket fl-imnieħer, il-qtugħ tad-denb huma permessi biss fuq parir veterinarju u m’għandhomx jitqiesu bħala trattamenti ta’ rutina.

Il-kastrazzjoni hija permessa biss wara parir minn veterinarju jew għall-ħnieżer ta’ piż kbir iddestinati għal prodotti tradizzjonali.

L-użu ta’ ċestuni għall-ġestazzjoni u għat-tifrigħ huwa pprojbit.

It-trasportazzjoni

Is-sistemi tat-trasportazzjoni tal-annimali għall-ħnieżer Traditionally Reared Pedigree Welsh huma mfassla biex jiżguraw li l-bhejjem kemm jista’ jkun ma jibżgħux jew ikunu mdejqin. L-annimali jridu jiġu ttrasportati direttament mir-razzett għall-biċċerija u m’għandhomx jiġu ttrasportati ma’ ħnieżer minn impriżi oħrajn. It-trasport u l-manipulazzjoni għandhom jinżammu għall-minimu u l-ħnieżer għandhom jinqatlu fl-eqreb biċċerija adatta, biex jiġi mminimizzat l-istress.

L-ispazju minimu permess għall-ħnieżer waqt it-tranżitu għandu jkun kif ġej:

Piż Ħaj

(kg)

Rata tal-Istokkjar

(kg/m2)

Spazju allokat

(m2/il-ħanżir)

 

 

 

10

137

0,05

30

200

0,15

35

218

0,16

40

222

0,18

100

235

0,43

110

245

0,45

ħnieżer nisa

316

0,79

Qatla/tbiċċir

Il-Ħnieżer tal-Welsh Pedigree għall-produzzjoni tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” jinqatlu kemm jista’ jkun qrib il-post fejn jitrabbew, preferibbilment f’biċċeriji żgħar u l-annimali ma għandhomx jiġu sottoposti għall-ebda stress jew skumdità żejda qabel il-qtil. It-tagħmir tal-istordiment/qatla jrid ikun imfassal u miżmum b’mod li jiżgura stordiment jew qtil effettiv ta’ malajr.

Il-karkassi tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” għandhom jiddendlu għal minimu ta’ jumejn wara l-qtil qabel it-tbiċċir (iżda preferibbilment għal perjodu itwal) f’maħżen imkessaħ f’temperatura taħt l-4 gradi ċentigradi.

Il-varjanti naturali tar-razza minn dixxendenzi differenti u minħabba s-sistemi diversi li bihom dawk li jrabbu jħaxxnu l-istokk tagħhom fiż-żmien ta’ qabel il-qatla jistgħu jipproduċu varjazzjoni fil-kompożizzjoni tal-karkassi u fil-livelli ta’ sonża tad-dahar. Din il-varjazzjoni naturali teħtieġ ħiliet ta’ tbiċċir tradizzjonali u esperjenza fit-tqattigħ meta tiġi pproċessata l-karkassa. Il-karkassi tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” jitbiċċru bl-użu ta’ metodi tradizzjonali li jinkludu t-tqattigħ “fuq il-ganċ”, u tqattigħ tradizzjonali fuq il-blokki.

Huma ftit l-okkorrenzi rreġistrati ta’ laħam pallidu, morbidu, li jnixxi l-għarqa (PSE) jew skur, sod, u niexef (DFD) tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork”, bis-saħħa tat-tnaqqis kemm jista’ jkun tal-istress għall-ħnieżer billi jiġu osservati standards ta’ trattament xieraq għoljin matul it-trobbija estensiva tagħhom, fit-trasportazzjoni, u qabel il-qatla, kif ukoll minħabba n-natura doċili tar-razza u l-fatt li m’hemm l-ebda predispożizzjoni ġenetika magħrufa għall-istress (bħas-Sindromu tal-Istress tal-Ħnieżer - PSS).. Dan huwa rifless fil-kwalità tarija tal-laħam tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork”.

4.3.   Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Il-karattru speċifiku tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” huwa evidenti fil-kwalitajiet alimentari tiegħu li jinkisbu minn żewġ elementi ewlenin:

L-istorja twila tar-razza tal-Welsh Pedigree u t-trobbija attenta u selettiva tagħha għal kwalitajiet partikolari tal-karkassi u tal-laħam u l-karatteristiċi alimentari.

Il-metodu tal-produzzjoni bi trobbija tradizzjonali

Il-Ħanżir tal-Welsh Pedigree għandu pożizzjoni unika fl-ispettru tar-razez ta’ ħnieżer indiġeni Brittaniċi billi jikkostitwixxi waħda mit-tliet razez ewlenin li fuqhom inbniet l-industrija moderna tal-ħnieżer. Il-konfigurazzjoni tal-karkassa tiegħu għandha l-istess karatteristiċi ta’ razez tal-pedigree żviluppati aktar moderni bħal-Large White jew il-Landrance waqt li żżomm it-togħma tar-razez tal-pedigree indiġeni tradizzjonali anqas imtejba bħall-Berkshire, it-Tamworth u l-Gloucester Old Spot. Dawn il-karatteristiċi speċifiċi tar-razza nkisbu permez ta’ trobbija selettiva u attenta tul dan l-aħħar seklu. Minkejja li kien hemm titjib fil-karatteristiċi ta-karkassa, bħal koxox żviluppati tajjeb, ir-razza għadha żżomm il-karatteristiċi fenotipiċi u ġenotipiċi tradizzjonali tagħha bħal rata ta’ tkabbir naturali inqas mgħaġġla u t-tendenza tal-akkumulazzjoni tax-xaħam. Dan, flimkien mas-sistema ta’ trobbija estensiva tradizzjonali, jirriżulta f’laħam ta’ lewn iktar ċar, rikonoxxut għal kemm huwa tari u b’ valur kalorifiku u sukkulenza għolja mat-tisjir.

Meta mqabbel mal-laħam tal-majjal kummerċjali modern ta’ razez imħallta jew ibridi mrobbija b’mod konvenzjonali, it-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork”:

għandu lewn tal-muskolu inqas żviluppat (iktar ċar)

huwa iktar tari

għandu togħma ta’ majjal iktar delikata

għandu iktar ħxuna ta’ sonża tad-dahar

għandu perċentwal globali ogħla ta’ sonża

għandu valur kalorifiku ogħla

huwa sukkulenti meta jissajjar

Meta titqabbel ir-rata tat-tkabbir; Ħanżir tal-Pedigree Welsh jista’ jieħu minimu ta’ 154 jum biex jilħaq l-età tal-qatla filwaqt li l-majjal kummerċjali mrobbi b’mod intensiv jista’ jdum madwar 126 jum biss. Dan it-tkabbir inqas mgħaġġel huwa kkawżat minn kombinazzjoni tat-tkabbir naturali inqas mgħaġġel tar-razza flimkien mal-għalf li fih inqas proteina u l-metodu estensiv tal-produzzjoni tradizzjonali. Iċ-ċarezza fil-lewn tal-laħam minħabba l-lewn tal-muskolu inqas żviluppat, u l-fatt li huwa iktar tari u għandu togħma ta’ majjal delikata kollha jistgħu jiġu attribwiti għal din ir-rata ta’ tkabbir bil-mod.

It-tendenza naturali tar-razza li takkumula s-sonża u l-fatt li hija inqas effiċjenti biex tikkonverti l-għalf f’muskolu dgħif jipprovdu karkassa b’livell ogħla ta’ sonża meta mqabbel ma’ ħnieżer kummerjali konvenzjonali moderni. It-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” għandu kejl ta’ sonża tad-dahar ta’ aktar minn 10 mm meta jkun wasal fil-piż li jinqatel, meta mqabbel mal-majjal kummerċjali li l-kejl tas-sonża tad-dahar fil-mira tiegħu huwa ta’ 8 mm. F’piżijiet kbar, il-kejl medju tas-sonża tad-dahar tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” ħafna drabi jkun iktar minn 14-il mm. Minbarra iktar xaħam tad-dahar, ikun hemm ukoll kompożizzjoni globali ogħla ta’ sonża mal-karkassa u dan jipprovdi valur kalorifiku medju ta’ iktar minn 300 kcal/100 g meta mqabbel mal-valur medju ta’ taħt il-200 kcal/100 g assoċċjat mal-laħam tal-majjal ta’ ħnieżer li jitrabbew b’mod iktar kummerċjali. Din iż-żieda fil-livell ta’ sonża żżid is-sukkulenza meta l-laħam jissajjar.

It-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” jipprovdi wkoll punt definit ta’ differenza meta mqabbel mal-laħam tal-majjal ta’ razez indiġeni inqas imtejbin billi jkollu:

iktar ħxuna fis-sonża tad-dahar

klassifikazzjoni aħjar tul piżijiet ikbar

koxox bin-natki żviluppati tajjeb

muskolu tal-qalba tal-lojn ikbar

tul superjuri tal-lojn

perċentwali ogħla tat-toqol tal-karkassi mejta

Ir-razez tal-pedigree tradizzjonali li huma anqas imtejba għandhom kejl medju ta’ sonża tad-dahar ta’ iktar minn 14-il mm fil-piż tal-qatla meta mqabbla mat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” li jikklassifika f’minimu ta’ 10 mm fil-piż tal-qatla. F’piżijiet itqal ir-razez indiġeni inqas imtejba jkollhom kejl ta’ sonża tad-dahar żejjed ta’ 20 mm u dan ta’ spiss jilħaq il-kejl ta’ 30 mm, filwaqt li t-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” jikklassifika tajjeb f’minimu ta’ 14-il mm f’piżijiet itqal.

It-trobbija selettiva tal-Ħanżir tal-Pedigree Welsh tul dan l-aħħar seklu rriżultat f’karkassa li tipprovdi muskolu tal-qalba tal-lojn ikbar, tul superjuri tal-lojn, koxox bin-natki iktar żviluppati, perċentwali ogħla ta’ toqol tal-karkassa tal-annimal maqtul u gradazzjoni aħjar f’piżijiet itqal meta mqabbla mar-razez indiġeni li huma anqas imtejba. Dawn il-karatteristiċi kkombinati jikkontribwixxu għar-rikonoxximent storiku tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” bħala prodott li jipprovdi karkassa ideali għall-bejjiegħ tal-laħam.

Il-karatteristiċi speċifiċi tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” huma appoġġjati minn dejta storika estensiva, u ġew analizzati permezz ta’ programm ta’ ttestjar kompożizzjonali u organolettiku. L-istudju wera b’mod oġġettiv li t-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” jipprovdi punt ta’ differenza kemm fil-wirt kif ukoll fil-kwalità u t-togħma.

L-istorja twila tar-razza tal-Ħanżir tal-Pedigree Welsh:

Il-ħnieżer għandhom konnessjoni twila ma’ Wales u jissemmew tul il-letteratura medjevali ta’ Wales kollha. Fis-Seklu 11, il-Mabinogion isemmi “annimali żgħar li laħamhom huwa aħjar miċ-ċanga. Huma żgħar u isimhom ivarja. Jissejħu moch.” Jingħad li dawn il-kreaturi (ħnieżer) ġew introdotti fid-dinja moderna minn Arawn, ir-Re ta’ Annwfn (ir-Re tad-Dinja ta’ Taħt). Anke fl-leġġenda tar-Re Artù ta’ Wales insibu l-ħanżir selvaġġ imsaħħar, Twrch Trwyth, u l-“ħanżir selvaġġ bis-snien bojod” Ysgithrwyn Benbaedd kif ukoll il-ħanżira l-bajda tal-oraklu Hen Wen.

Ftit hemm storja dwar iż-żamma kkummerċjalizzata u intensiva ta’ ħnieżer f’Wales, billi fil-parti l-kbira l-ħnieżer kienu jiżammu ġewwa jew jitħallew jirgħu barra, skont l-istaġun. Il-wirt u t-tradizzjoni tar-razza tal-Ħanżir tal-Pedigree Welsh fil-parti l-kbira tagħhom jagħmlu parti minn “tyddyn”, (impriża żgħira) jew mit-tradizzjoni tal-biedja ta’ Wales. Teżisti wkoll tradizzjoni ta’ trobbija urbana fuq skala żgħira fl-ibliet industrijalizzati fejn it-twlc mochyn (imqajjel tal-ħnieżer) kienu komuni fil-ġonna ta’ bosta djar terraced. L-imqajjel tal-ħnieżer b’saljatura tal-ġebel niexef kienu wkoll forma magħrufa tal-arkitettura vernakulari ta’ Wales b’mod speċjali fin-nofsinhar tal-pajjiż.

Bħala nazzjon li jkabbar il-ħaxix, il-produzzjoni tal-ħrief u tal-ħalib hija prominenti f’Wales. Tradizzjonalment l-imprendituri żgħar kienu jbiegħu l-ħrief u l-annimali taċ-ċanga tagħhom fis-suq fejn setgħu jiksbu prezzijiet ferm ogħla u dan kien jippermettilhom iżommu l-ħnieżer tagħhom għall-bżonnijiet tagħhom; bir-riżultat li l-majjal sar il-laħam predominanti għall-konsum fid-djar fiż-żoni rurali. It-tradizzjoni kienet li l-ħnieżer jitrabbew tul is-sajf u l-ħarifa u li l-qtil isir b’mod staġjunali fix-xitwa fir-razzett. Kull żona rurali kellha qattiel itineranti li kien jipprovdi servizz ta’ qtil u tqattigħ, ta’ spiss fi spazji ad hoc fir-remissi, fil-binjiet ta’ barra jew anki fil-beraħ. Il-qatla ta’ kull sena kienet okkażjoni soċjali fejn il-membri kollha tal-familja kienu jikkontribwixxu f’dak il-jum. Prodotti friski bħal blalen tal-laħam tal-ġewwieni mqatta’ marbutin bil-ħwawar u moqlijin, kienu jsiru mill-plwc (il-qalb, il-fwied u l-pulmuni), ir-ras kienet titpoġġa fl-ilma mielaħ biex isir il-brawn (laħam ippressat fil-ġelatina), l-intestini kienu jitnaddfu biex jintużaw bħala kisi għaz-zalzett frisk, il-laħam frisk kien jinqasam mal-komunità lokali u l-ġnub u l-koxox kienu jiġu kkurati u ppreservati biex jipprovdu l-laħam għas-sena ta’ wara.

Ir-razza tal-Pedigree Welsh tista’ tiġi rintraċċata għar-razza indiġena tal-ħanżir abjad ta’ widnejh imdendlin li kienet tinżamm f’Wales sa minn meta bdew jinżammu r-reġistri. Ir-razza tat kontribut enormi għall-agrikoltura tal-lum u hija waħda mit-tliet razez li fuqhom ġiet ibbażata l-produzzjoni moderna tal-ħnieżer ibridi. Madankollu, bil-progress kostanti tal-intensifikazzjoni, kienu meħtieġa karkassi ta’ majjal u bejken iktar dgħif, mingħajr każ tat-togħma. Il-kumpaniji tat-trobbija l-kbar li ddominaw is-suq ma ffavorixxewx ir-Razza tal-Pedigree Welsh bir-riżultat li naqas b’mod drastiku l-għadd ta’ ħnieżer imrobbija. Fl-2002, kienu rreġistrati 82 ħanżir tal-Pedigree Welsh biss fil-ktieb tal-merħliet, fl-2005 ir-razza ġiet iddikjarata bħala speċi f’riskju tal-estinzjoni u minn dakinhar ġiet ikklassifikata bħala razza rara mir-Rare Breeds Survival Trust.

Il-Metodu tal-Produzzjoni bi Trobbija Tradizzjonali;

L-istorja twila tar-razza u l-karatteristiċi naturali tagħha, flimkien mal-metodu tal-produzzjoni bi trobbija tradizzjonali jipprovdu l-karattru speċifiku distintiv u uniku tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork”. Il-komponenti ewlenin tas-sistema tat-trobbija tradizzjonali huma li jipprovdu dan li ġej:

Rata ta’ tkabbir naturali

Il-prijorità sottostanti tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” hija li l-ħnieżer ikollhom rata ta’ tkabbir naturali ta’ minimu ta’ 154 jum sakemm jittieħdu għall-qatla. Dan jintlaħaq permezz ta’ dieta b’livell baxx ta’ proteini, ta’ inqas minn 20 % wara l-fatam, li għandhom jinkisbu lokalment meta jkun possibbli. L-għalf jista’ jinkiseb minn għalf pur jew kompost u jista’ jiġi ssupplimentat bi prodotti alternattivi ta’ għalf u koprodotti tal-ikel mill-produzzjoni tal-ikel u mill-foraġġ. L-addittivi sintetiċi tad-dieta u l-promoturi tat-tkabbir mhumiex permessi.

Trobbija estensiva

It-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” jista’ jitrabba f’sistemi ta’ ġewwa kif ukoll ta’ barra, iżda dawn għandhom ikunu ambjenti naturali ta’ standard ta’ trattament xieraq għoli (skont l-istandard tal-Freedom Food tal-RSPCA jew simili) Ir-rati tal-istokkjar, kemm bi trobbija ta’ ġewwa kif ukoll ta’ barra, għandhom jippermettu lill-ħnieżer jeżibixxu l-imġiba naturali tagħhom u jekk il-ħnieżer jitrabbew ġewwa, iridu jinżammu fi btieħi bit-tiben u mhux f’magħlaq magħmul kompletament minn paletti. Il-prattiki tat-trobbija intensiva bħall-fatam fl-età ta’erba’ ġimgħat, l-użu ta’ ċestuni għall-ġestazzjoni, ċestuni għat-tifrigħ, il-qtugħ tas-snien, it-tqegħid ta’ ċrieket mal-imnieħer, il-qtugħ tad-denb u l-kastrazzjoni kirurġika m’għandhomx ikunu trattamenti ta’ rutina u huma permessi biss fuq parir tal-veterinarju. Il-kastrazzjoni għall-ħnieżer iddestinati għal prodotti tradizzjonali li jeħtieġu ħnieżer ta’ piż kbir hija permessa wara parir mingħand veterinarju.

Stress Minimu

Is-sistema ta’ trobbija tradizzjonali hija maħsuba biex timminimizza l-istress lill-annimal tul ħajtu kollha. Il-ħnieżer tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” jinqatlu kemm jista’ jkun qrib fejn jitrabbew u preferibbilment f’biċċeriji żgħar. It-trasport u l-manipulazzjoni jridu jkunu mill-inqas biex jiġi żgurat li l-ħnieżer ma jiġux sottomessi għal ebda biża’ jew skumdità żejda qabel il-qatla. L-annimali jiġu ttrasportati direttament mir-razzett għall-biċċerija u m’għandhomx jiġu ttrasportati ma’ ħnieżer minn impriżi oħrajn.

Il-prattiki tal-Ipproċessar Tradizzjonali

Il-karkassi tat-“Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork” iridu jiddendlu għal perjodu minimu ta’ jumejn biex jimmaturaw, u dan il-proċess jiżviluppa t-togħma u jagħmel il-laħam tari. Jintużaw metodi ta’ tqattigħ tradizzjonali għat-tqattigħ tal-karkassa minn proċessuri li għandhom l-esperjenza li jittrattaw il-prodott tradizzjonali.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Rettifika

15.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 382/25


Rettifika għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward tagħmir li juża l-gass (verżjoni kodifikata)

(Pubblikazzjoni ta’ titli u referenzi ta’ standards armonizzati taħt id-Direttiva)

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 349 tat-22 ta’ Diċembru 2010 )

(2016/C 382/07)

F’paġna 10:

minflok:

“ESO (1)

Referenza u titlu tal-istandard armonizzat

(u d-dokument ta’ referenza)

Referenza ta’ l-istandard li ġie sostitwit

Data tal-waqfa tal-presunzjoni tal-konformità ta’ l-istandard li ġie sostitwit Nota 1

CEN

EN 521:2006

Speċifikazzjonijiet għal tagħmir għal applikazzjonijiet ta' gass minn żejt apposta mhux raffinat likwefatt - Applikazzjonijiet li jistgħu jinġarru li jaħdmu bi pressjoni ta' fwar ta' gass minn żejt mhux raffinat likwefatt

EN 521:1998

Nota 2.1

Data skaduta

(31.8.2006)”,

aqra:

“ESO (1)

Referenza u titlu tal-istandard armonizzat

(u d-dokument ta’ referenza)

Referenza ta’ l-istandard li ġie sostitwit

Data tal-waqfa tal-presunzjoni tal-konformità ta’ l-istandard li ġie sostitwit Nota 1

CEN

EN 521:2006

Speċifikazzjonijiet għal tagħmir għal applikazzjonijiet ta' gass minn żejt apposta mhux raffinat likwefatt - Applikazzjonijiet li jistgħu jinġarru li jaħdmu bi pressjoni ta' fwar ta' gass minn żejt mhux raffinat likwefatt

EN 521:1998

Nota 2.1

Data skaduta

(31.8.2006)

Twissija (1): Din il-pubblikazzjoni ma tkoprix kukers tal-gass ċatti portabbli (2).

(1)

F’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2414 tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-pubblikazzjoni b’restrizzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 521:2006 ‘Speċifikazzjonijiet għal tagħmir għal applikazzjonijiet ta' gass minn żejt apposta mhux raffinat likwefatt - Applikazzjonijiet li jistgħu jinġarru li jaħdmu bi pressjoni ta' fwar ta' gass minn żejt mhux raffinat likwefatt’ f’konformità mad-Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 333, 19.12.2015, p. 120).

(2)

Il-kukers tal-gass ċatti jikkonsistu f'assemblaġġ ta' berners immuntati fuq kaxxa orizzontali li fiha kumpartiment integrat għall-iskartoċċ tal-gass ħdejn il-berner”.