ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 363

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
1 ta' Ottubru 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 363/01

L-Istatuti tal-Osservatorju Ewropew Multidixxiplinarju ta’ Qiegħ il-Baħar u tal-Kolonni tal-Ilma — Il-Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka (EMSO ERIC)

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2016/C 363/02

Avviż għall-attenzjoni tal-persuni soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333, kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1755, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44, kif implimentat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1752 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

19

2016/C 363/03

Avviż għall-attenzjoni tas-suġġetti tad-data li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 kif implimentat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1752 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

20

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 363/04

Rata tal-kambju tal-euro

21


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 363/05

Avviż tal-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri antidumping

22

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 363/06

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Il-Każ M.8136 — BASF/Chemetall) — Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

23

2016/C 363/07

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Il-Każ M.8004 — Akzo Nobel/BASF Industrial Coatings Business) ( 1 )

24

2016/C 363/08

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Il-Każ M.7962 — ChemChina/Syngenta) ( 1 )

25

2016/C 363/09

Bidu ta’ proċeduri (Il-Każ M.7995 — Deutsche Börse/London Stock Exchange Group) ( 1 )

26


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

1.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/1


L-Istatuti tal-Osservatorju Ewropew Multidixxiplinarju ta’ Qiegħ il-Baħar u tal-Kolonni tal-Ilma — Il-Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka (EMSO ERIC)

(2016/C 363/01)

PREAMBOLU

L-Irlanda

Ir-Repubblika Ellenika

Ir-Renju ta’ Spanja

Ir-Repubblika ta’ Franza

Ir-Repubblika Taljana

Ir-Repubblika Portugiża

Ir-Rumanija

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Il-Membri”,

BILLI l-Membri jixtiequ li jikkoordinaw il-monitoraġġ fit-tul ta’ proċessi ambjentali bl-użu ta’ Infrastruttura ta’ Riċerka ddistribwita fuq skala Ewropea li tikkonsisti minn osservatorji u pjattaformi tal-oċean li huma kapaċi jiġbru u jittrażmettu dejta b’mod awtonomu, magħrufa bħala l-Osservatorju Ewropew Multidixxiplinarju ta’ Qiegħ il-Baħar u tal-Kolonnaital-Ilma (EMSO);

BILLI l-Membri għandhom l-għan li jsostnu r-riċerka dwar l-interazzjoni bejn il-ġeosfera, il-bijosfera, u l-idrosfera;

BILLI l-Membri għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-fehim tal-interazzjoni kumplessa bejn l-idrosfera, il-bijosfera u l-ġeosfera u kif dawn huma relatati mat-tibdil fil-klima, id-dinamika tal-ekosistemi tal-baħar u l-perikli ġeografiċi;

META JIĠI KKUNSIDRAT li l-Membri jfittxu li jistimulaw u jtejbu l-eċċellenza xjentifika f’temi interdixxiplinari li jinkludu:

It-tibdil naturali u antropoġeniku;

L-interazzjonijiet bejn is-servizzi tal-ekosistema, il-bijodiversità, il-bijoġeokimika, il-fiżika u t-tibdil fil-klima;

L-impatti tal-qerda tal-ħabitat u t-tniġġis tal-ekosistemi u s-servizzi tagħhom;

L-impatti tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija, tar-riżorsi minerali, u tar-riżorsi ħajjin;

Il-kapaċità ta’ twissija bikrija f’każ ta’ perikli ġeografiċi fir-rigward ta’ terremoti, tsunamis, rilaxx tal-idrat tal-gass, l-instabbiltà u ċ-ċediment ta’ inklinazzjonijiet;

L-għoti ta’ riżultati xjentifiċi lill-partijiet interessati u lil dawk li jfasslu politika b’appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-baħar u dawk marittimi tal-UE; kif ukoll

Il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u innovazzjoni fil-monitoraġġ tal-oċeani u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

B’ENFASI FUQ l-impenn tal-Membri favur il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif proklamata mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea f’Nizza f’Diċembru 2000 u favur il-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data.

BILLI l-Membri jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea twaqqaf, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009, l-EMSO bħala entità ġuridika tal-Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka (ERIC), (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “EMSO ERIC”), li se tifforma parti mis-segment ta’ taħt il-baħar ta’ Copernicus u GEOSS (Sistema tas-Sistemi għall-Osservazzjoni Globali tad-Dinja) u għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina).

FTIEHMU KIF ĠEJ:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

L-isem, is-sede u l-lingwa ta’ ħidma

1.   Osservatorju Ewropew Multidixxiplinarju ta’ Qiegħ il-Baħar u tal-Kolonni tal-Ilma - il-Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka (EMSO ERIC) qed jiġi stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 723/2009.

2.   Is-sede statutorja tal-EMSO ERIC għandha tkun f’Ruma fit-territorju tar-Repubblika Taljana, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Membru Ospitanti”.

3.   Il-lingwa ta’ ħidma tal-EMSO ERIC għandha tkun l-Ingliż. Fejn meħtieġ, il-lingwa uffiċjali tal-Membru Ospitanti tal-EMSO ERIC għandha tintuża fil-komunikazzjonijiet mal-Membru Ospitanti.

Artikolu 2

L-għanijiet

1.   L-EMSO ERIC għandu jistabbilixxi, jikkoordina, jiffaċilita u jottimizza l-użu ta’ faċilitajiet u riżorsi tal-operazzjoni fuq il-baħar pan-Ewropej sabiex jassigura benefiċċju massimu għall-komunità tal-osservazzjoni tal-oċeani. Għandu jottimizza l-aċċess għall-infrastrutturi u d-data tal-osservatorji tal-oċean. Għandu jikkoordina u jamministra l-kontribuzzjonijiet fl-għamla ta’ oġġetti, persunal issekondat, kontribuzzjonijiet in natura u kontribuzzjonijiet monetarji. L-EMSO ERIC għandu jintegra l-osservatorji tal-oċean minn punti fissi eżistenti madwar l-Ewropa, biex jgħin fil-koordinazzjoni tal-estensjoni u l-immodernizzar ta’ dawn il-faċilitajiet u biex jiffaċilita l-ippjanar u t-tnedija ta’ oħrajn ġodda.

2.   L-EMSO ERIC għandu jkun iddedikat għall-investigazzjoni tal-proċessi tal-baħar fond u tal-kolonni tal-ilma u għandu jikkollabora u jikkumplimenta inizjattivi ta’ osservazzjoni tal-baħar baxx. L-EMSO ERIC għandu jibni konnessjonijiet ma’ inizjattivi internazzjonali rilevanti għall-osservazzjoni tal-oċean u jsostnihom. L-EMSO ERIC għandu jippromwovi l-kooperazzjoni f’dawn l-oqsma. L-EMSO ERIC għandu jistimula u jappoġġa l-iżvilupp ta’ teknoloġiji avvanzati għall-monitoraġġ tal-oċean in-situ, billi jsegwi l-ħtieġa li tinkiseb ġestjoni sostenibbli u ħarsien tar-riżorsi marini.

3.   L-EMSO ERIC għandu jopera fuq bażi mhux ekonomika. Madankollu, l-EMSO ERIC jista’ jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, bil-kundizzjoni li dawn ikunu marbutin mill-qrib mal-kompiti prinċipali tiegħu u li ma jippreġudikawx it-twettiq tagħhom. Kwalunkwe dħul iġġenerat minn dawn l-attivitajiet ekonomiċi limitati għandu jintuża mill-EMSO ERIC biex ikompli jikseb l-għanijiet tiegħu.

Artikolu 3

Il-kompiti u l-attivitajiet

1.   L-Infrastruttura tal-EMSO tfisser il-faċilitajiet li huma proprjetà tal-EMSO ERIC flimkien mal-faċilitajiet kollha disponibbli għall-EMSO ERIC mill-Membri biex jiġi implimentat il-Programm tal-EMSO.

2.   Il-Programm tal-EMSO għandu jfisser l-attivitajiet imwettqa mill-Membri skont l-għanijiet tal-EMSO ERIC.

3.   Il-kompiti tal-EMSO ERIC għandhom ikunu kif ġej:

(a)

l-iżvilupp u l-provvediment tal-faċilitajiet li huma l-proprjetà tal-EMSO ERIC flimkien mal-faċilitajiet kollha disponibbli għall-EMSO ERIC mill-Membri biex jiġu implimentati attivitajiet imwettqa mill-Membri sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-EMSO ERIC fil-livell Ewropew li jippermettu li l-komunitajiet xjentifiċi u partijiet interessati oħrajn ikollhom aċċess għad-data u l-faċilitajiet tal-osservatorji tal-oċeani fl-Ewropa;

(b)

il-ġestjoni tal-osservatorji eżistenti tal-qigħan fondi tal-ibħra minn punti fissi u tal-kolonni tal-ilma minn punti fissi fl-Ewropa biex jikkontribwixxu għall-EMSO ERIC għal perjodi ta’ żmien miftiehma għall-użu minn EMSO ERIC, inkluż l-aċċess minn komunitajiet xjentifiċi Ewropej u internazzjonali kkwalifikati;

(c)

il-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-attivitajiet ta’ osservatorji eżistenti tal-qigħan fondi tal-ibħra minn punti fissi u tal-kolonni tal-ilma minn punti fissi fl-Ewropa, il-promozzjoni tal-kontinwità u l-kwalità tal-ġestjoni affidabbli tad-data fuq serje ta’ perjodi;

(d)

il-provvista u r-razzjonalizzazzjoni tal-aċċess għall-infrastruttura tal-EMSO ERIC minn komunitajiet xjentifiċi Ewropej u internazzjonali kkwalifikati, li l-proġetti tagħhom għandhom jiġu evalwati għal dan il-għan;

(e)

l-appoġġ għat-tmexxija tal-Ewropa fit-teknoloġiji tal-baħar u tal-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, permezz ta’ sħubija ma’ industriji u ma’ partijiet interessati rilevanti oħrajn;

(f)

l-integrazzjoni ta’ attivitajiet ta’ riċerka, taħriġ, u disseminazzjoni ta’ informazzjoni. L-EMSO ERIC għandu jkun il-punt ċentrali ta’ kuntatt għal attivitajiet ta’ riċerka, taħriġ, edukazzjoni u disseminazzjoni għall-osservatorji tal-oċean fl-Ewropa sabiex xjenzati u partijiet interessati oħrajn jagħmlu użu effiċjenti mill-osservatorji tal-oċean fl-Ewropa;

(g)

l-istabbiliment ta’ konnessjonijiet ma’ inizjattivi internazzjonali rilevanti biex tinfetaħ l-osservazzjoni tal-oċean, biex jaġixxu bħala rappreżentanti tal-Ewropa f’dawn l-oqsma f’partijiet oħrajn tad-dinja biex b’hekk jistabbilixxu u jippromwovu l-kooperazzjoni internazzjonali f’dawn l-oqsma u;

(h)

is-sinkronizzazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u operattivi, b’mod li jiġu ottimizzati r-riżorsi nazzjonali u dawk Ewropej u internazzjonali.

4.   Fit-twettiq tal-kompiti tiegħul-EMSO ERIC, għandu:

(a)

jiżgura l-kwalità għolja tas-servizzi xjentifiċi tiegħu billi:

i.

jiddefinixxi strateġija xjentifika globali permezz tal-adozzjoni ta’ Pjan Strateġiku fit-Tul aġġornat b’mod perjodiku;

ii.

jiddeskrivi l-iżviluppi xjentifiċi futuri u jivvaluta l-kisba tal-għanijiet xjentifiċi;

iii.

jevalwa l-esperimenti proposti mill-utenti;

iv.

jirrevedi l-għanijiet xjentifiċi tas-siti; kif ukoll

v.

jiġġestixxi l-komunikazzjoni ma’ utenti xjentifiċi u oħrajn.

(b)

jippermetti aċċess għall-infrastruttura tal-EMSO, li għandu jinkludi:

i.

l-istabbiliment ta’ kriterji ta’ għażla għall-aċċess li għandhom jiġu żviluppati skont il-pariri tal-komunità ta’ utenti xjentifiċi rilevanti;

ii.

il-ġestjoni ta’ aċċess integrat għall-osservatorji tal-oċean fl-Ewropa;

iii.

il-ġestjoni ta’ kwistjonijiet ta’ standardizzazzjoni u d-definizzjoni ta’ linji gwida għall-kalibrazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ strumenti skont rekwiżiti definiti minn qabel;

iv.

il-ħidma għall-akkwist ta’ serje ta’ data fuq terminu twil mill-qigħan fondi tal-ibħra u mill-kolonni tal-ilma; kif ukoll

v.

il-koordinazzjoni tal-ħażna u l-użu ta’ data għar-riċerka xjentifika kif ukoll it-tixrid f’waqtu ta’ data biex tintuża fit-twissijiet bikrija ta’ periklu ġeografiku u fl-oċeanografija operattiva.

(c)

jibni l-kapaċità sabiex irawwem it-taħriġ ikkoordinat ta’ xjenzati, inġiniera u utenti.

(d)

jaġixxi bħala avukat tal-komunità tax-xjenza involuta fl-osservazzjoni tal-oċean.

(e)

jippromwovi l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija, billi jipprovdi servizzi u jipparteċipa fi sħubija mal-industrija.

(f)

iwettaq kwalunkwe attività oħra meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-EMSO ERIC.

KAPITOLU 2

SĦUBIJA

Artikolu 4

Is-sħubija u d-dħul ta’ Membri ġodda

1.   Is-sħubija fl-EMSO ERIC għandha tkun miftuħa għall-entitajiet li ġejjin u li jkunu qablu ma’ dawn l-Istatuti:

(a)

L-Istati Membri tal-Unjoni;

(b)

Pajjiżi Assoċjati;

(c)

pajjiżi terzi oħra li mhumiex Pajjiżi Assoċjati;

(d)

organizzazzjonijiet intergovernattivi.

2.   L-EMSO ERIC huwa ffurmat minn Membri u Osservaturi. Huma għandhom ikunu marbuta bir-regoli adottati għall-implimentazzjoni ta’ oqsma speċifiċi ta’ dawn l-Istatuti, minn issa ‘l quddiem imsejħa Regoli ta’ Implimentazzjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-Istatuti, għar-Regoli ta’ Implimentazzjoni, għad-deċiżjonijiet tal-Assemblea tal-Membri jew għal-liġijiet applikabbli, il-Membri:

(a)

għandhom jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-EMSO ERIC, l-aktar fil-laqgħat tal-Assemblea tal-Membri tiegħu, bi dritt tal-vot;

(b)

għandhom jeleġġu l-korpi tal-EMSO ERIC jew jiġu eletti fihom permezz tar-rappreżentanti tagħhom;

(c)

jistgħu jipproponu d-dħul ta’ Membri jew Osservaturi ġodda, soġġett għall-approvazzjoni tal-Assemblea tal-Membri;

(d)

jistgħu jeżaminaw il-kontijiet, id-dokumenti u l-kotba li jirrigwardaw l-attivitajiet tal-EMSO ERIC, kif ukoll jitolbu u jiksbu informazzjoni dwar l-iżvilupp ta’ dawn l-attivitajiet mill-Kumitat Eżekuttiv tal-EMSO ERIC; kif ukoll

(e)

jistgħu jirtiraw mill-EMSO ERIC, abbażi tat-termini stabbiliti f’dawn l-Istatuti.

4.   Kull pajjiż li huwa Membru tal-EMSO ERIC jista’ jkun irrappreżentat minn entità pubblika, inkluż reġjuni jew entitajiet privati b’missjoni ta’ servizz pubbliku, fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet speċifiċi u fit-twettiq tal-obbligi speċifiċi bħala Membru tal-EMSO ERIC.

5.   Membru tal-EMSO ERIC li lest li jiġi rrappreżentat f’konformità mal-paragrafu 4 preċedenti jista’ jaħtar entità rappreżentanti tiegħu skont ir-regoli u l-proċeduri tiegħu stess. Dan il-Membru għandu jinforma bil-miktub lill-Assemblea tal-Membri b’kull tibdil fl-entità rappreżentanti, b’kull terminazzjoni tal-mandat tagħha jew b’kull tibdil fid-drittijiet u fl-obbligi speċifiċi ddelegati lill-entità rappreżentanti.

6.   Id-Direttur Ġenerali għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-Membri tal-EMSO ERIC lista tal-entitajiet rappreżentanti attwali u tad-drittijiet u l-obbligi speċifiċi li ġew iddelegati lilhom.

7.   Il-Membri fundaturi tal-EMSO ERIC huma elenkati fl-Anness 1. Il-lista tal-Membri għandha tiġi aġġornata mid-Dirtettur Ġenerali.

8.   F’kull ħin, l-EMSO ERIC għandu jkollu Stat Membru u żewġ pajjiżi oħrajn li jew ikunu Stati Membri jew pajjiżi assoċjati bħala Membri. L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati, li huma Membri, għandu jkollhom b’mod konġunt il-maġġoranza tal-voti fl-Assemblea tal-Membri. Jekk fi kwalunkwe ħin ikun hemm biss tliet Membri tal-EMSO ERIC, li huma Stati Membri jew Pajjiżi Assoċjati u wieħed minn dawn l-Istati Membri jew Pajjiżi Assoċjati jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-EMSO ERIC skont l-Artikolu 6, l-EMSO ERIC għandu jgħaddi minn proċedura ta’ stralċ skont l-Artikolu 29.

9.   Jekk fi kwalunkwe ħin l-irtirar ta’ Stat Membru jew pajjiż assoċjat wieħed jew aktar iwassal biex l-Istati Membri jew pajjiżi assoċjati ma jibqgħux ikollhom il-maġġoranza tal-voti b’mod konġunt fl-Assemblea tal-Membri, l-EMSO ERIC għandu jgħaddi minn proċedura ta’ stralċ skont l-Artikolu 29 sakemm l-Assemblea tal-Membri ma tistabbilixxix regoli speċifiċi biex tiżgura li l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati ma jkollhomx b’mod konġunt il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot.

10.   Entitajiet kif elenkati fl-Artikolu 4(1) li juru x-xewqa li jsiru Membru tal-EMSO ERIC għandhom jippreżentaw applikazzjoni bil-miktub bl-Ingliż lill-President tal-Assemblea tal-Membri biex jiġu ammessi bħala Membri mhux aktar tard minn xahrejn qabel il-laqgħa li jmiss tal- Assemblea tal-Membri.

11.   Qabel ma tittieħed deċiżjoni b’mod formali ta’ ammissjoni mill-Assemblea tal-Membri, għandu jiġi stabbilit proċess ta’ djalogu bejn l-applikant u tal-anqas tliet Membri tal-EMSO ERIC, maħtura mill-Kumitat Eżekuttiv, sabiex tiġi stabbilita l-abiltà tal-applikant biex jikkontribwixxi għall-EMSO ERIC.

12.   Il-President tal-Assemblea tal-Membri għandu jinforma lill-applikant bil-miktub dwar l-ammissjoni jew ir-rifjut.

Kwalunkwe Membru ġdid tal-EMSO ERIC għandu jirrikonoxxi li l-EMSO ERIC għandu personalità ġuridika u l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lill-entitajiet ġuridiċi skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru u li huwa għandu jkun soġġett għall-Istatuti u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni.

Artikolu 5

L-osservaturi u d-dħul ta’ Osservaturi ġodda

1.   Entità msemmija fl-Artikolu 4(1) tista’ tikkwalifika bħala Osservatur għal perjodu ta’ żmien determinat permezz ta’ deċiżjoni tal-Assemblea tal-Membri.

2.   L-Osservaturi għandu jkollhom id-dritt li jattendu u jipparteċipaw, mingħajr dritt tal-vot, fil-laqgħat tal-Assemblea tal-Membri u f’korpi oħrajn tal-EMSO ERIC skont il-kundizzjonijiet deċiżi mill-Assemblea tal-Membri. Id-drittijiet u l-obbligi tal-Osservaturi definiti fl-Istatuti u/jew fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni jistgħu jiġu emendati mingħajr il-kunsens tagħhom.

3.   Kwalunkwe pajjiż li huwa Osservatur tal-EMSO ERIC jista’ jkun irrappreżentat minn entità pubblika, inkluż reġjuni jew entitajiet privati b’missjoni ta’ servizz pubbliku, fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet speċifiċi u fit-twettiq tal-obbligi speċifiċi ta’ dak l-Osservatur. Osservatur għandu jinforma bil-miktub lill-President tal-Assemblea Ġenerali dwar kwalunkwe bidla fir-rigward tal-entità rappreżentanti.

4.   L-Osservaturi tal-EMSO ERIC huma elenkati fl-Anness 2. Din il-lista għandha tinżamm aġġornata mid-Direttur Ġenerali.

5.   Stati Membri, pajjiżi assoċjati, pajjiżi terzi li mhumiex pajjiżi assoċjati u organizzazzjonijiet intergovernattivi li juru x-xewqa li jsiru Osservatur tal-EMSO ERIC għandhom jippreżentaw talba bil-miktub bl-Ingliż biex jiġu ammessi bħala Osservatur lill-President tal-Assemblea tal-Membri mhux aktar tard minn xahrejn qabel il-laqgħa li jmiss tal-Assemblea tal-Membri.

6.   Il-President tal-Assemblea tal-Membri għandu jinforma lill-applikant bil-miktub dwar l-ammissjoni u l-kundizzjonijiet marbuta magħha jew ir-rifjut. Kwalunkwe Osservatur tal-EMSO ERIC għandu jirrikonoxxi li l-EMSO ERIC għandu personalità u kapaċità ġuridika u li huwa għandu jkun soġġett għall-Istatuti u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu.

Artikolu 6

L-irtirar ta’ Membri u Osservaturi

1.   Kwalunkwe Membru jew Osservatur tal-EMSO ERIC jista’, sentejn wara li tkun intemmet il-Fażi ta’ Twaqqif inizjali, jirtira fl-aħħar ta’ kull Sena Finanzjarja mill-EMSO ERIC b’avviż bil-miktub mibgħut lill-President tal-Assemblea tal-Membri mhux aktar tard minn sena qabel id-data tal-irtirar propost.

2.   L-Assemblea tal-Membri għandha tirreġistra bil-miktub l-irtirar ta’ Membru jew ta’ Osservatur u l-konsegwenzi ta’ dan fuq l-EMSO ERIC.

3.   Membru jew Osservatur tal-EMSO ERIC li, bxi mod, ma jibqax Membru jew Osservatur tal-EMSO ERIC, mhuwiex intitolat li jitlob lura l-Kontribuzzjonijiet li jkun ipprovda lill-EMSO ERIC u jibqa’ responsabbli għall-Kontribuzzjonijiet kollha li kienu dovuti waqt li kien Membru jew Osservatur tal-EMSO ERIC.

4.   L-Assemblea tal-Membri għandha tiddetermina jekk Membru jew Osservatur li jirtira huwiex intitolat għal xi somma hekk kif jirtira. Jekk il-Membru jew l-Osservatur ikun fil-fatt intitolat, l-Assemblea tal-Membri għandha tiddetermina l-valur tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ dan il-Membru jew Osservatur kif inhuma fid-data li fiha dan il-Membru jew Osservatur ma jibqax jagħmel parti mill-EMSO ERIC.

5.   Mal-irtirar, l-intitolament ta’ Membru jew Osservatur fl-ebda każ ma għandu jeċċedi l-Kontribuzzjonijiet magħmula minn dan il-Membru jew Osservatur fil-ħames snin preċedenti.

Artikolu 7

It-terminazzjoni ta’ sħubija jew ta’ status ta’ Osservatur

1.   Is-sħubija jew l-istatus ta’ Osservatur jistgħu jintemmu jekk il-Membru jew l-Osservatur ikun kiser b’mod serju wieħed jew aktar mill-obbligi tiegħu skont dawn l-Istatuti u jkun naqas milli jirrettifika dan il-ksur fi żmien 30 jum minn meta jkun irċieva avviż bil-miktub, jew jekk jikkawża, jew jhedded li jikkawża, tfixkil serju fl-operat tal-EMSO ERIC kif determinat mill-Assemblea tal-Membri.

2.   Deċiżjoni għal teminazzjoni tas-sħubija jew tal-istatus ta’ Osservatur għandha tittieħed mill-Assemblea tal-Membri wara li l-Membru jew l-Osservatur rilevanti ikun ingħata opportunità jikkontesta din id-deċiżjoni u jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu quddiem l-Assemblea tal-Membri.

3.   L-Assemblea tal-Membri għandha tiddetermina jekk il-Membru jew l-Osservatur ikunx intitolat għal kwalunkwe somma meta sseħħ terminazzjoni skont l-istess regoli u proċeduri tal-Artikolu 6.

KAPITOLU 3

DRITTIJIET U OBBLIGI TAL-MEMBRI

Artikolu 8

Id-drittijiet tal-vot

Kull Membru tal-EMSO ERIC għandu jkollu vot wieħed fl-Assemblea tal-Membri.

Artikolu 9

Il-kontribuzzjonijiet

1.   Il-Membri għandhom jagħmlu Kontribuzzjonijiet lill-EMSO ERIC biex jipprovdu r-riżorsi meħtieġa sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-EMSO ERIC u sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja tiegħu. Il-Kontribuzzjonijiet tal-Membri lill-EMSO ERIC jistgħu jinġabru f’(i) kontribuzzjonijiet monetarji; u (ii) Kontribuzzjonijiet in natura.

2.   Il-kontribuzzjoni monetarja inizjali tal-Membri lill-EMSO ERIC għandha tkun hekk kif stabbilit fl-Anness 3 u 4. Wara t-tielet sena tal-operat tal-EMSO ERIC, il-kontribuzzjoni minima li għandha ssir minn kull Membru f’kull sena ta’ operat għandha tiġi stabbilita annwalment fl-Assemblea tal-Membri b’avviż minn sentejn qabel; jiġifieri deċiżjonijiet meħuda fis-sena n għandhom japplikaw għas-sena n+2. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kontribuzzjonijiet inizjali tal-Membri waqt il-Fażi ta’ Twaqqif inizjali. Kontribuzzjonijiet preliminari pproġettati għar-raba’ u l-ħames sena huma pprovduti fl-Anness 3, abbażi tas-suppożizzjoni ta’ finanzjament fiss, li jkun jeħtieġ li jiġu riveduti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà.

3.   Kull Osservatur għandu jagħmel kontribuzzjoni monetarja annwali lill-EMSO ERIC. Il-kontribuzzjoni monetarja inizjali tal-Osservaturi għandha tkun kif stabbilit fl-Anness 3. Wara t-tielet sena tal-operat tal-EMSO ERIC, il-kontribuzzjoni minima li għandha ssir minn kull Osservatur f’kull sena ta’ operat għandha tiġi stabbilita annwalment mill-Assemblea tal-Membri b’avviż minn sentejn qabel (jiġifieri deċiżjonijiet meħuda fis-sena n għandhom japplikaw għas-sena n+2). Dan mingħajr preġudizzju għall-kontribuzzjonijiet inizjali tal-Osservaturi. Kontribuzzjonijiet preliminari pproġettati għar-raba’ u l-ħames sena huma pprovduti fl-Anness 3, abbażi tas-suppożizzjoni ta’ finanzjament fiss, li jkun jeħtieġ li jiġu riveduti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà.

4.   Il-kontribuzzjonijiet monetarji għandhom isiru f’Euro (€). Fejn l-Euro mhijiex il-munita użata fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ Membru, il-munita għandha tiġi kkonvertita f’Euro permezz tar-Rati ta’ Referenza tal-Kambju tal-Euro ppubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew fi Frankfurt/Main, il-Ġermanja fil-11 ta’ filgħodu (ħin lokali) tal-ewwel jum tas-sena kalendarja.

5.   Kif stabbilit fl-Artikolu 17(1), fil-bidu ta’ kull sena finanzjarja, l-Assemblea tal-Membri għandha tevalwa l-valur monetarju tal-kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji pprovduti minn kull Membru matul is-sena preċedenti lill-EMSO ERIC, abbażi tal-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni. Il-valur monetarju tal-kontribuzzjoni mhux finanzjarja għandu jiġi espress f’Euro.

6.   Il-valuri assenjati lill-kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji għandhom jiġu miftiehma mill-Assemblea tal-Membri, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mid-Direttur Ġenerali. Dawn għandhom jiġu miżjuda mal-ammont ta’ kontribuzzjonijiet monetarji pprovduti matul l-istess perjodu ta’ żmien, sabiex jiġi kkalkolat (i) l-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet monetarji u mhux finanzjarji pprovduti matul is-sena kkonċernata; u (ii) il-proporzjonijiet speċifiċi kkontribwiti minn kull Membru fir-rigward tal-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet.

7.   Is-sjieda tal-kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji għandha tiġi solvuta fi ftehim speċifiku li għandu jiġi konkluż bejn il-Membru jew l-Osservatur ikkonċernat u l-EMSO ERIC skont deċiżjoni tal-Assemblea tal-Membri.

Artikolu 10

Ir-responsabbiltà u l-assigurazzjoni

1.   L-EMSO ERIC għandu jkun responsabbli għad-dejn tiegħu.

2.   Ir-responsabbiltà tal-Membri għad-djun tal-EMSO ERIC, għandha tiġi limitata għall-valur tal-kontribuzzjoni ta’ kull Membru.

3.   L-EMSO ERIC għandu jagħmel u jżomm assigurazzjoni xierqa biex ikopri kwalunkwe riskju marbut mal-kostruzzjoni u l-operat tal-EMSO ERIC.

KAPITOLU 4

ĠESTJONI U GOVERNANZA TAl-EMSO ERIC

Artikolu 11

Il-korpi ta’ governanza u l-livell operattiv

1.   L-istruttura ta’ governanza tal-EMSO ERIC għandha tinkludi l-korpi li ġejjin:

(a)

l-Assemblea tal-Membri;

(b)

il-Kumitat Eżekuttiv;

(c)

id-Direttur Ġenerali; kif ukoll

(d)

il-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika.

2.   Sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet speċifiċi, l-Assemblea tal-Membri tista’ toħloq Korpi Konsultattivi sabiex jagħtu parir lill-Assemblea tal-Membri. Il-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika għandu jitwaqqaf kif previst fl-Artikolu 15. Korpi Konsultattivi Addizzjonali għandhom jiġu stabbiliti b’deċiżjoni tal-Assemblea tal-Membri.

3.   L-attivitajiet operattivi tall-EMSO ERIC għandhom jitwettqu permezz ta’ Timijiet Reġjonali, jiġifieri timijiet magħmula minn persunal li jappartjeni għal istituzzjoni xjentifika reġjonali waħda jew aktar, li jistgħu jinstabu f’pajjiż wieħed jew aktar.

4.   It-Timijiet Reġjonali għandhom ikunu responsabbli mit-tħaddim tal-Faċilitajiet Reġjonali, jiġifieri l-faċilitajiet tal-EMSO ERIC (magħmula mill-infrastruttura, strumentazzjoni u ħardwer tal-osservatorju, u riżorsi u servizzi oħrajn) f’reġjun partikolari.

5.   Il-funzjoni ta’ servizz għandha titwettaq minn Gruppi ta’ Servizz, jiġifieri unitajiet organizzazzjonali distribwiti li jinsabu f’pajjiż wieħed jew aktar li huma inkarigati b’attivitajiet speċifiċi ta’ interess trasversali (pereżempju, l-inġinerija, il-komunikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni).

6.   It-Timijiet Reġjonali u l-Gruppi ta’ Servizz għandhom jiġu stabbiliti mill-Assemblea tal-Membri u għandhom ikunu rappreżentati fil-Kumitat Eżekuttiv.

Artikolu 12

L-Assemblea tal-Membri

1.   L-Assemblea tal-Membri għandha tkun l-ogħla korp deċiżjonali tal-EMSO ERIC u għandha tkun magħmula minn delegati tal-Membri kollha awtorizzati għal dan l-iskop permezz ta’ ittra indirizzata lill-President tal-Assemblea tal-Membri. Kull delegat jista’ jkun akkumpanjat minn konsulent wieħed jew aktar, skont it-termini li għandhom jiġu definiti fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni. Kull delegat għandu jinħatar għal perjodu ta’ mhux aktar minn 3 snin (jista’ jiġġedded fuq talba), li jista’ jkun imħassar mill-Membru rilevanti permezz ta’ ittra indirizzata lill-President tal-Assemblea tal-Membri.

2.   L-Assemblea tal-Membri għandha:

(a)

tadotta u temenda r-Regoli ta’ Implimentazzjoni, skont l-Istatuti kif ukoll il-Liġi Applikabbli;

(b)

tapprova r-rapport tal-attivitajiet u l-kontijiet annwali mħejjija mid-Direttur Ġenerali;

(c)

tissorvelja u tirrevedi l-ħidma tal-korpi l-oħra tal-EMSO ERIC;

(d)

tiddeċiedi dwar Sħubija fl-EMSO ERIC inkluż l-ammissjoni ta’ Membri u Osservaturi ġodda u l-irtirar jew it-terminazzjoni tas-sħubija ta’ Membri u Osservaturi;

(e)

tiddeċiedi dwar il-kontribuzzjoni annwali minima li trid tingħata minn kull Membru u Osservatur;

(f)

talloka l-fondi kollha li tirċievi;

(g)

tieħu deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ta’ pożizzjonijiet tal-persunal jew dwar il-ħatra ta’ persunal issekondat;

(h)

taħtar u tkeċċi lid-Direttur Ġenerali;

(i)

teleġġi u tkeċċi lill-President u l-Viċi President;

(j)

tistabbilixxi l-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika u kwalunkwe korp konsultattiv ieħor;

(k)

tipprovdi gwida strateġika lid-Direttur Ġenerali;

(l)

tikkunsidra kwalunkwe kwistjoni relatata mal-EMSO ERIC jew mal-operat tiegħu, ippreżentata minn kwalunkwe Membru;

(m)

tapprova u taġġusta l-iskali ta’ kontribuzzjonijiet skont l-Artikolu 9;

(n)

tiddeċiedi dwar il-proposti ta’ emendi għall-Istatuti skont l-Artikolu 20; kif ukoll

(o)

tiddeċiedi dwar kwalunkwe suġġett ieħor skont l-Istatuti u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni.

3.   Fit-tieni laqgħa tagħha, L-Assemblea tal-Membri għandha tadotta Pjan Strateġiku fit-Tul, li għandu jiġi mħejji mid-Direttur Ġenerali b’konsultazzjoni mal-Kumitat Eżekuttiv. Il-Pjan Strateġiku fit-Tul għandu jiddefinixxi l-istrateġija xjentifika globali għall-EMSO ERIC. L-Assemblea tal-Membri għandha tadotta aġġornamenti annwali għall-Pjan Strateġiku fit-Tul.

4.   Kull Membru tal-EMSO ERIC għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Assemblea tal-Membri u għandu jivvota permezz ta’ delegat wieħed.

5.   Il-laqgħat tal-Assemblea tal-Membri għandu jkollhom kworum jekk żewġ terzi tal-Membri jkunu preżenti għal-laqgħa.

6.   Il-laqgħat tal-Assemblea tal-Membri għandhom ikunu jew laqgħat ordinarji jew straordinarji. Il-laqgħat ordinarji għandhom jinżammu tal-anqas darbtejn fis-sena, f’perjodi tas-sena li jkunu ġew miftiehma fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni, u waħda minn dawn il-laqgħat għandha tinżamm mhux aktar tard minn xahrejn wara li l-kontijiet annwali tas-Sena Finanzjarja preċedenti jintbagħtu lill-Membri. Il-laqgħat l-oħra kollha huma straordinarji. Il-President tal-Assemblea tal-Membri jista’ jiddeċiedi wara li jagħti perjodu ta’ notifika lill-Membri ta’ mill-anqas 14-il jum li jsejjaħ laqgħa straordinarja fi kwalunkwe ħin, jew f’każ li tiġi riċevuta talba bil-miktub f’dan ir-rigward mid-Direttur Ġenerali, jew minn tal-anqas kwart tal-Membri.

7.   L-Assemblea tal-Membri għandha teleġġi: il-President tal-Assemblea tal-Membri, il-Viċi President u s-Segretarju minn fost il-Membri tagħha permezz ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi minn dawk li jivvotaw. Il-President u l-Viċi President għandhom iservu termini ta’ tliet snin u l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jservi għal aktar minn żewġ termini konsekuttivi.

8.   Il-President għandu jkun responsabbli għad-direzzjoni u t-tmexxija ta’ kull laqgħa tal-Assemblea tal-Membri, b’konformità ma’ dawn l-Istatuti, ir-Regoli ta’ Implimentazzjoni u l-liġi applikabbli. Is-Segretarju għandu r-responsabbiltà li jassisti lill-President matul il-laqgħa u għall-preparazzjoni tal-minuti ta’ kull laqgħa.

9.   Fil-każ li l-President ma jkunx jista’ jattendi laqgħa tal-Assemblea tal-Membri, il-Viċi President għandu jieħu postu/postha. Fil-każ li l-President u l-Viċi President ma jkunux jistgħu jattendu laqgħa, wieħed mid-delegati tal-Membri li jkunu qed jattendu l-laqgħa għandu jinħatar mill-Assemblea tal-Membri għal dan il-għan.

10.   B’mod ġenerali, riżoluzzjonijiet tal-Assemblea tal-Membri jgħaddu permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-voti tal-Membri li jattendu, ħlief għal dawk il-kwistjonijiet fejn l-lstatuti jew ir-Regoli ta’ Implimentazzjoni jispeċifikaw li riżoluzzjoni trid tgħaddi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti tal-Membri li jattendu, li għandhom jinkludu kwalunkwe proposta għal emenda ta’ dawn l-Istatuti, kwalunkwe estensjoni tat-tul taż-żmien tal-EMSO ERIC u l-istralċ tal-EMSO ERIC.

11.   Attendenza fil-laqgħat tal-Assemblea tal-Membri għandha tkun ristretta għad-delegati u l-konsulenti rilevanti tal-Membri u l-Osservaturi flimkien mal-Kumitat Eżekuttiv. Madankollu, tista’ tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni tal-konsulenti tal-Membri u tal-Osservaturi permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Assemblea tal-Membri, abbażi ta’ kull każ individwali.

12.   L-osservaturi għandhom id-dritt jipparteċipaw, mingħajr id-dritt tal-vot, fil-laqgħat tal-Assemblea tal-Membri.

Artikolu 13

Id-Direttur Ġenerali

1.   Id-Direttur Ġenerali għandu jinħatar mill-Assemblea tal-Membri għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin u għandu jkun eliġibbli għall-ħatra mill-ġdid għal terminu wieħed ieħor. Il-ħatra u t-tkeċċija tad-Direttur Ġenerali għandhom jiġu deċiżi permezz ta’ vot ta’ żewġ terzi mill-membri tal- Assemblea tal-Membri li jkunu preżenti.

2.   Id-Direttur Ġenerali għandu jkun il-Kap Eżekuttiv u r-rappreżentant ġuridiku tal-EMSO ERIC.

3.   Id-Direttur Ġenerali għandu jkun responsabbli għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u l-programmi li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea tal-Membri b’konsultazzjoni mal-Kumitat Eżekuttiv. Id-Direttur Ġenerali għandu jiġi assistit fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu mill-persunal tal-Uffiċċju tal-Amminstrazzjoni Ċentrali u mill-Kumitat Eżekuttiv.

4.   Id-Direttur Ġenerali għandu jħejji l-Pjan Strateġiku fit-Tul, li wara konsultazzjoni mal-Kumitat Eżekuttiv għandu jiġi ppreżentat għall-adozzjoni mill-Assemblea tal-Membri fit-tieni laqgħa tagħha. Il-Pjan Strateġiku fit-Tul għandu jiġi aġġornat fuq bażi annwali.

5.   Id-Direttur Ġenerali għandu jimplimenta l-istrateġiji, id-deċiżjonijiet u l-politiki adottati mill-Assemblea tal-Membri u għandu:

(a)

jissorvelja l-operat tal-EMSO ERIC;

(b)

jassigura l-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet li jipprovdu l-infrastruttura tal-EMSO;

(c)

jippreżenta għal adozzjoni programmi ta’ ħidma annwali tal-EMSO ERIC li għandhom jinkludu l-istimi tar-riżorsi meħtieġa, inkluż il-persunal, l-attivitajiet li għandhom jitwettqu u l-politika tal-ġestjoni tar-riżorsi umani rispettivi;

(d)

jimplimenta l-baġit annwali;

(e)

iħejji rapporti jew opinjonijiet oħrajn fuq talba mill-Assemblea tal-Membri;

(f)

jassigura sistema ta’ ġestjoni tajba u ta’ kontroll intern finanzjarju;

(g)

iħejji r-Regoli ta’ Implimentazzjoni u l-Pjan Strateġiku fit-Tul, u

(h)

jagħżel il-persunal tal-Uffiċċju tal-Amminstrazzjoni Ċentrali.

6.   Id-Direttur Ġenerali għandu jieħu d-deċiżjonijiet kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-Programm ta’ Ħidma Annwali u tal-amministrazzjoni u l-ġestjoni ta’ kuljum tal-EMSO ERIC.

7.   Fil-bidu ta’ kull sena finanzjarja u tal-anqas xahrejn qabel id-Direttur Ġenerali għandu, b’mod partikolari, jippreżenta lill-Assemblea tal-Membri, id-data tal-laqgħa ordinarja tal-Assemblea tal-Membri:

(a)

id-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tas-sena preċedenti;

(b)

il-programm xjentifiku u l-baġit għas-sena finanzjarja li jmiss, li għandu jinkludi d-dħul kollu, l-elementi ta’ dħul u ta’ nefqa, anki jekk ibbażati biss fuq estimi, fil-forma ta’ karta tal-bilanċ;

(c)

il-programm pluriennali, l-estimi tal-baġit u l-aġġornamenti rispettivi; kif ukoll

(d)

rapport dwar il-ħidma mwettqa tul is-sena preċedenti.

8.   Id-Direttur Ġenerali għandu jirrappreżenta lill-EMSO ERIC f’laqgħat, proġetti jew inizjattivi internazzjonali. Dan ma jipprekludix ir-rappreżentanza nazzjonali mill-Membri.

Artikolu 14

Il-Kumitat Eżekuttiv

1.   Sabiex jiżgura l-koerenza u l-istabbiltà tas-servizzi infrastrutturali, il-Kumitat Eżekuttiv għandu jagħti parir lid-Direttur Ġenerali fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu u għandu jikkonsisti minn rappreżentant wieħed għal kull Tim Reġjonali tal-EMSO ERIC u minn persuna waħda responsabbli għal kull wieħed mill-Gruppi ta’ Servizzi tal-EMSO ERIC. Id-Direttur Ġenerali għandu jipproponi kull wieħed minn dawn il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv kif indikat minn kull Tim Reġjonali u minn kull Grupp ta’ Servizz għall-Assemblea tal-Membri, u l-ħatra tagħhom għandha tiġi rratifikata mill-Assemblea tal-Membri b’maġġoranza sempliċi tal-Membri li jattendu.

2.   Il-President tal-Assemblea tal-Membri, jew fl-assenza tiegħu l-Viċi President, għandu jkun intitolat li jattendi l-laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv bħala osservatur.

3.   Il-President tal-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika għandu jkun intitolat li jattendi l-laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv bħala osservatur.

Artikolu 15

Il-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika

1.   Il-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika għandu jkun responsabbli biex jagħti opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha ta’ natura xjentifika, teknika u etika li jistgħu jinfluwenzaw il-ħidma xjentifika mwettqa mill-EMSO ERIC, inklużi materji xjentifiċi, tekniċi u etiċi marbuta mar-reputazzjoni tal-EMSO ERIC u l-aċċess għad-data tiegħu mill-utenti tar-riċerka u dawk operattivi.

2.   L-Assemblea tal-Membri tista’ titlob lill-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika biex jikkunsidra u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet li jeħtieġ li jsolvi. It-termini ta’ referenza tal-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika, iddefiniti mill-Assemblea tal-Membri, huma inklużi fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni. Il-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika għandu jifformula rakkomandazzjonijiet u direzzjoni dwar aspetti xjentifiċi, tekniċi u etiċi tal-EMSO ERIC, billi, b’mod partikolari, jikkunsidra l-kuntest Ewropew u internazzjonali.

3.   Il-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika għandu jkun magħmul minn numru fard ta’ esperti indipendenti, li minnhom wieħed għandu jkun maħtur b’maġġoranza ta’ żewġ terzi ta’ dawk li jivvotaw fl-Assemblea tal-Membri. It-tul tat-terminu tal-ħatra tal-membri tal-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika għandu jkun ta’ sentejn, u jista’ jiġġedded għal darbtejn b’mod konsekuttiv għall-istess perjodu ta’ żmien soġġett għall-approvazzjoni tal-Assemblea tal-Membri.

4.   Il-membri inizjali tal-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika għandhom jinħatru mill-ewwel Assemblea tal-Membri. Wara l-ħatra inizjali tal-membri tal-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika, il-ħatra ta’ membri ġodda mill-Assemblea tal-Membri għandha tkun bil-proċedura deskritta fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni.

5.   Il-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika għandu jiltaqa’ kull meta meħtieġ u, tal-anqas, darba fis-sena. Il-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika għandhom jissejħu mill-President tiegħu.

6.   Ir-riżoluzzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika jsiru b’maġġoranza sempliċi tal-voti tal-membri li jattendu l-laqgħa.

7.   Id-Direttur Ġenerali għandu jkun intitolat li jattendi l-laqgħat kollha tal-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika bħala osservatur.

8.   Il-membri tal-EMSO ERIC jistgħu, meta mistiedna, jattendu laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika bħala osservaturi.

KAPITOLU 5

FINANZI

Artikolu 16

Ir-riżorsi tal-EMSO ERIC

1.   Ir-riżorsi tal-EMSO ERIC għandhom jikkonsistu minn:

(a)

Kontribuzzjonijiet Monetarji u in-natura annwali tal-Membri u tal-Osservaturi;

(b)

Kontribuzzjonijiet volontarji addizzjonali mill-Membri jew mill-Osservaturi;

(c)

dħul minn servizzi pprovduti mill-EMSO ERIC għal partijiet terzi,

(d)

dħul miksub meta partijiet terzi jużaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li huma l-proprjetà tal-EMSO ERIC u/jew liċenzjati minnu; kif ukoll

(e)

għotjiet u riżorsi oħrajn fi ħdan il-limiti u skont it-termini approvati mill-Assemblea tal-Membri.

Artikolu 17

Il-prinċipji baġitarji, il-kontijiet u l-awditu

1.   Is-sena finanzjarja tal-EMSO ERIC tibda fl-1 ta’ Jannar u tintemm fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

2.   Il-punti kollha tad-dħul u tan-nefqa tal-EMSO ERIC għandhom jiġu inklużi fl-istimi li jridu jsiru għal kull sena finanzjarja u għandhom jintwerew fil-baġit.

3.   L-Assemblea tal-Membri għandha tiżgura li l-Kontribuzzjonijiet jintużaw skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

4.   Il-baġit għandu jiġi stabbilit u implimentat u l-kontijiet għandhom jiġu ppreżentati f’konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza.

5.   Il-kontijiet tal-EMSO ERIC għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tas-sena finanzjarja preċedenti.

6.   L-EMSO ERIC għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti tal-Liġi Applikabbli fir-rigward tat-tħejjija, l-iffajljar, l-awditjar u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet.

Artikolu 18

It-taxxi

1.   Eżenzjonijiet mill-VAT ibbażati fuq l-Artikoli 143(1)(g) u 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1) u f’konformità mal-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (2), għandhom ikunu limitati għal xiri mill-EMSO ERIC u mill-Membri tal-EMSO ERIC li huwa għall-użu uffiċjali u esklużiv mill-EMSO ERIC sakemm dan ix-xiri jsir biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tal-EMSO ERIC skont l-ativitajiet tiegħu. L-eżenzjonijiet tal-VAT għandhom ikunu limitati għal xiri li jeċċedi l-valur ta’ EUR 300. Eżenzjonijiet mid-Dazju tas-Sisa bbażati fuq l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE (3), għandhom ikunu limitati għal xiri mill-EMSO ERIC li huwa għall-użu uffiċjali u esklużiv tal-EMSO ERIC sakemm dan ix-xiri jsir biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tal-EMSO ERIC skont l-attivitajiet tiegħu u li x-xiri jeċċedi l-valur ta’ EUR 300.

2.   L-EMSO ERIC għandu jżomm rendikont tal-ispejjeż u tal-introjtu tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu separatament u għandu jitlob prezzijiet tas-suq għalihom, jew, jekk dawn il-prezzijiet ma jkunux jistgħu jiġu aċċertati, l-ispejjeż totali b’marġni raġonevoli. Dawn l-attivitajiet ma għandhomx jiġu koperti minn eżenzjonijiet tat-taxxa.

KAPITOLU 6

RAPPURTAR LILL-KUMMISSJONI

Artikolu 19

Ir-rappurtar lill-Kummissjoni

1.   Id-Direttur Ġenerali f’konsultazzjoni mal-Kumitat Eżekuttiv tal-EMSO ERIC għandu jipprepara Rapport Annwali tal-Attivitajiet, li jinkludi fih, b’mod partikolari, l-aspetti xjentifiċi, operattivi u finanzjarji tal-attivitajiet tiegħu. Ir-rapport għandu jkun approvat mill-Assemblea tal-Membri u jintbagħat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-Sena Finanzjarja korrispondenti. Dan ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

2.   L-EMSO ERIC u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kull ċirkostanza li thedded li tipperikola b’mod serju l-eżistenza tal-EMSO ERIC jew li tostakola b’mod serju t-twettiq tal-kompiti tal-EMSO ERIC jew li tfixkel l-EMSO ERIC milli jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 723/2009.

Artikolu 20

L-emendar tal-Istatuti

1.   Proposti għall-emendar tal-Istatuti li jiġu adottati mill-Assemblea tal-Membri għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

2.   L-Istatuti għandhom jinżammu aġġornati mid-Direttur Ġenerali. L-Istatuti għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-EMSO ERIC u fis-sede statutorja tiegħu.

KAPITOLU 7

POLITIKI

Artikolu 21

Il-politika dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

1.   Il-proprjetà intellettwali għandha tfisser proprjetà kif inhi ddefinita fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali, magħmula fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967.

2.   Kwalunkwe Dritt tal-Proprjetà Intellettwali, li huwa maħluq, miksub jew żviluppat mill-EMSO ERIC għandu jkun stabbilit fl-EMSO ERIC u jkun il-proprjetà assoluta tiegħu.

3.   L-Assemblea tal-Membri għandha tiddetermina l-politiki tal-EMSO ERIC b’rabta mal-identifikazzjoni, il-protezzjoni, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali tal-EMSO ERIC, inkluż l-aċċess għal dawk id-drittijiet, kif stabbilit fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni tal-EMSO ERIC.

4.   Id-Direttur Ġenerali għandu jipproponi politika ta’ pprezzar ibbażata fuq l-irkupru sħiħ tal-ispejjeż b’konsultazzjoni mal-Kumitat Eżekuttiv u li tkun approvata mill-Assemblea tal-Membri.

5.   Fir-rigward ta’ kwistjonijiet tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, ir-relazzjonijiet bejn il-Membri u l-Osservaturi tal-EMSO ERIC għandhom jiġu rregolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettiva tal-Membri u tal-Osservaturi u minn kwalunkwe ftehim internazzjonali li l-Membri u l-Osservaturi huma parti minnu.

6.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-Istatuti u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li oriġinarjament huma l-proprjetà tal-Membri u tal-Osservaturi.

Artikolu 22

Il-politika ta’ aċċess għall-utenti u l-politika ta’ disseminazzjoni

1.   L-aċċess għad-data prodotta mill-EMSO ERIC għandu, kull meta huwa possibbli u b’kunsiderazzjoni għal-liċenzji ta’ partijiet terzi u ta’ kwalunkwe arranġament eżistenti minn qabel, ikun mingħajr ħlas u miftuħ għall-membri kollha ta’ istituzzjonijiet xjentifiċi u għal partijiet interessati oħrajn. Barra minn hekk, l-aċċess għall-infrastruttura tal-EMSO ERIC għandu jingħata lill-komunitajiet xjentifiċi Ewropej u internazzjonali kkwalifikati, li l-proġetti tagħhom għandhom jiġu evalwati għal dan il-għan. L-EMSO ERIC għandu jutilizza kriterji ta’ għażla li għandhom jiġu żviluppati skont il-pariri tal-komunità ta’ utenti xjentifiċi rilevanti. L-użu u l-ġbir tad-data huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet statutorji rilevanti tal-privatezza tad-data.

2.   L-EMSO ERIC jista’ jikkomunika data miġbura ma’ utenti oħrajn minbarra dawk identifikati fil-Paragrafu 1 u jitlob miżata għal dan is-servizz. Dan il-ħlas għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-ispejjeż kollha konnessi mal-użu tal-infrastruttura tal-EMSO ERIC minn dak l-utent, b’konformità mad-Direttiva 2003/4/KE u d-Direttiva INSPIRE (2007/2/KE) u ta’ Liġijiet Applikabbli oħrajn. Ir-rekwiżit preċedenti għal kontribuzzjoni finanzjarja ma għandux japplika fir-rigward ta’ talbiet għall-aċċess tal-katalgu u, fir-rigward tat-talbiet l-oħra kollha, din ma għandhiex teċċedi ammont raġonevoli.

3.   Meta d-data prodotta mill-EMSO ERIC hija kondiviża ma’ partijiet terzi skont il-Paragrafi 1 u 2, l-EMSO ERIC għandu jżomm kull dritt, interess u titolu fuq din id-data.

4.   Il-Membri għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jospitaw xjenzati, inġiniera u tekniċi viżitaturi għal kollaborazzjonijiet ma’ dawk direttament involuti f’attivitajiet tal-EMSO ERIC fil-laboratorji tagħhom.

5.   L-utenti tal-EMSO ERIC għandhom jiġu mħeġġa jippubblikaw ir-riżultati tagħhom f’letteratura xjentifika riveduta minn pari, jippreżentaw komunikazzjonijiet f’konferenzi xjentifiċi, kif ukoll f’midja oħra mmirati lejn udjenzi akbar inkluż il-pubbliku ġenerali, l-istampa, il-gruppi taċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni.

6.   L-EMSO ERIC għandu jiżviluppa prodotti tad-data tal-valur miżjud li jaqdu firxa wiesgħa ta’ utenti privati u pubbliċi, bil-għan li jiġu żviluppati prodotti biex jilħqu l-ħtiġijiet tal-partijiet interessati.

Artikolu 23

Il-Politika ta’ Evalwazzjoni Xjentifika

1.   L-evalwazzjoni xjentifika annwali tal-attivitajiet tal-EMSO ERIC għandha titwettaq mill-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika. Ir-rapport dwar l-evalwazzjoni għandu jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni tal-Assemblea tal-Membri.

2.   Reviżjoni tal-attivitajiet u l-operat tal-EMSO ERIC għandha ssir kull 5 snin minn tim ta’ esperti indipendenti li jiġu nnominati mill-Assemblea tal-Membri, fuq proposta mill-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika.

Artikolu 24

Il-politika tal-Impjiegi

1.   L-EMSO ERIC għandu jħaddan politika ta’ opportunitajiet indaqs. Il-proċeduri tal-għażla ta’ applikanti għall-pożizzjonijiet ta’ persunal tal-EMSO ERIC għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u jirrispettaw l-opportunitajiet indaqs.

2.   Kuntratti ta’ impjieg għandhom ikunu konformi mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli tal-pajjiż li fih il-persunal iwettaq l-attivitajiet tiegħu.

3.   Soġġett għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kull Membru fi ħdan il-ġurisdizzjoni tiegħu għandu jiffaċilita l-moviment u r-residenza taċ-ċittadini tal-Membri involuti fil-kompiti tal-EMSO ERIC kif ukoll tal-familjari tiegħu.

Artikolu 25

Il-politika tal-akkwist

1.   Il-politika ta’ akkwist tal-EMSO ERIC għandha tiġi rregolata mill-prinċipji tat-trasparenza, tat-trattament ugwali, tan-nondiskriminazzjoni u tal-kompetizzjoni miftuħa.

2.   Il-politika ta’ akkwist għandha tiġi definita fid-dettall fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni.

Artikolu 26

Il-politika tal-Etika

L-Assemblea tal-Membri għandha tadotta politiki ta’ etika fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, Tekniku u tal-Etika.

Artikolu 27

It-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-aġġornament tal-Politiki tal-EMSO ERIC

1.   Id-Direttur Ġenerali, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Eżekuttiv, għandu jħejji proposti għall-Assemblea tal-Membri dwar il-politiki stabbiliti fil-kapitolu preżenti u l-aġġornament tagħhom, u għandu jimplimenta dawn il-politiki.

2.   Id-Direttur Ġenerali u kull Membru jistgħu jipproponu emendi għal kwalunkwe politika. L-Assemblea tal-Membri għandha tikkunsidra kull emenda proposta u, jekk tiġi approvata, għandha timplimenta l-politika emendata.

KAPITOLU 8

TERMINU, STRALĊ, TILWIM

Artikolu 28

It-tul ta’ żmien

1.   L-EMSO ERIC għandu jibqa’ stabbilit sal-31 ta’ Diċembru 2024 u għandu jibqa’ jeżisti wara dik id-data soġġett għal deċiżjoni tal-Assemblea tal-Membri.

2.   Il-ħidma tal-EMSO ERIC għandha tinqasam f’żewġ fażijiet:

(a)

il-Fażi ta’ Twaqqif inizjali ta’ tliet snin għandha l-elementi strutturali li ġejjin, jiġifieri l-istabbiliment ta’ infrastruttura teknika bażika, il-forniment tal-persunal tal-organizzazzjoni, l-integrazzjoni tal-infrastrutturi eżistenti ta’ taħt il-baħar tal-oċean minn punti fissi fl-Ewropa.

(b)

wara t-tlestija tal-Fażi ta’ Twaqqif inizjali, għandhom jiġu implimentati aktar attivitajiet wara proċess ta’ reviżjoni tal-ewwel Fażi ta’ Twaqqif inizjali sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-EMSO ERIC għal kampijiet ta’ applikazzjoni usa’ u għal perjodu twil ta’ żmien.

Artikolu 29

Proċedura ta’ stralċ

1.   L-istralċ tal-EMSO ERIC għandu jsir skont deċiżjoni ta’ stralċ tal-EMSO ERIC meħudha mill-Assemblea tal-Membri.

2.   Notifika dwar id-deċiżjoni ta’ stralċ tal-EMSO ERIC u dwar l-għeluq tal-proċedura ta’ stralċ skont l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 għandha ssir mid-Direttur Ġenerali.

3.   L-assi li jkun għad fadal wara l-ħlas tad-djun tal-EMSO ERIC għandhom jitqassmu fost il-Membri fi proporzjon mal-kontribut akkumulat tagħhom għal-EMSO ERIC fi żmien ix-xoljiment.

4.   L-EMSO ERIC ma jibqax jeżisti fil-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika n-notifika korrispondenti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.   Jekk fi kwalunkwe żmien matul l-eżistenza tiegħu, l-EMSO ERIC ma jkunx jista’ jħallas id-djun tiegħu, għandu mmedjatament jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

Artikolu 30

Il-liġi applikabbli

It-twaqqif u l-funzjonament intern tal-EMSO ERIC għandhom jiġu rregolati:

(a)

bid-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC);

(b)

bil-liġi tal-Istat Membru Ospitanti fil-każ ta’ kwistjonijiet mhux irregolati, jew parzjalment irregolati, minn atti msemmija fil-punt (a);

(c)

b’dawn l-Istatuti u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tagħhom.

Artikolu 31

It-tilwim

1.   Fil-każ ta’ tilwima jew differenza bejn il-Membri li tirriżulta mill-Istatuti jew li tkun konnessa mal-Istatuti, inkluż l-operat jew il-prestazzjoni tal-EMSO ERIC jew il-prestazzjoni tal-Membri fir-rigward tal-obbligi tagħhom skont l-Istatuti, l-Assemblea tal-Membri għandha tiltaqa’ malajr kemm jista’ jkun biex tikkonsulta in bona fede u tfittex li ssolvi t-tilwima.

2.   Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fuq il-litigazzjoni fost il-Membri fir-rigward tal-EMSO ERIC, bejn il-Membri u l-EMSO ERIC u fuq kull litigazzjoni oħra li l-Unjoni hija parti minnha.

3.   Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjoni għandha tapplika għat-tilwim bejn l-EMSO ERIC u partijiet terzi. Fil-każijiet li ma jkunux koperti bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-liġi tal-Istat Ospitanti għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni kompetenti għar-riżoluzzjoni ta’ dan it-tilwim.


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1.

(3)  ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12.


ANNESS 1

Il-lista tal-Membri

L-Irlanda

Ir-Repubblika Ellenika

Ir-Renju ta’ Spanja

Ir-Repubblika ta’ Franza

Ir-Repubblika Taljana

Ir-Repubblika Portugiża

Ir-Rumanija

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq


ANNESS 2

Il-lista tal-Osservaturi

 


ANNESS 3

Il-Kontribuzzjoni monetarja tal-Membri u tal-Osservaturi matul il-Fażi ta’ Twaqqif inizjali u l-Istimi Preliminari għas-sentejn li jmiss

1.

Għall-ewwel tliet snin tal-operat tal-EMSO ERIC, il-Kontribuzzjonijiet Monetarji tal-Membri u tal-Osservaturi għandhom ikunu dawn li ġejjin, ħlief dawk tal-Membru Ospitanti:

Il-membri:

 

L-1 Sena 1: EUR 15 000

 

It-2 Sena 2: EUR 20 000

 

It-3 Sena 3: EUR 35 000

L-osservaturi:

 

L-1 Sena: EUR 5 000

 

It-2 Sena: EUR 5 000

 

It-3 Sena: EUR 10 000

2.

Għas-sentejn li jmiss, l-istimi preliminari inizjalment ibbażati fuq finanzjament fiss għandhom ikunu kif ġej:

Il-membri:

 

Ir-4 Sena: EUR 35 000

 

Il-5 Sena: EUR 35 000

L-osservaturi:

 

Ir-4 Sena: EUR 10 000

 

Il-5 Sena: EUR 10 000


ANNESS 4

Il-Kontribuzzjoni monetarja tal-Membru Ospitanti matul il-fażi ta’ twaqqif inizjali u l-istimi preliminari għas-sentejn li jmiss

1.

Għall-ewwel tliet snin tal-operat tal-EMSO ERIC, il-Kontribuzzjoni Monetarja tal-Membru Ospitanti għandha tkun kif ġej:

 

L-1 Sena: EUR 220 000

 

It-2 Sena: EUR 220 000

 

It-3 Sena: EUR 220 000

2.

Għas-sentejn li jmiss, l-istimi preliminari għandhom ikunu kif ġej:

 

Ir-4 Sena: EUR 220 000

 

Il-5 Sena: EUR 220 000


ANNESS 5

Il-lista tal-entitajiet rappreżentanti

Pajjiżi

Entitajiet Rappreżentanti

L-Irlanda

Marine Institute

Ir-Repubblika Ellenika

Hellenic Centre for Marine Research (HCMR)

Ir-Renju ta’ Spanja

Plataforma Oceánica de Canarias, PLOCAN

Ir-Repubblika ta’ Franza

L’Institut Français de Recherche pour l’Exploitation de la Mer (IFREMER)

Le Centre National de la Recherche Scientifique (CNRS)

Ir-Repubblika Taljana

Istituto Nazionale di Geofisica e Vulcanologia (INGV)

Ir-Repubblika Portugiża

Fundação para a Ciência e a Tecnologia (FCT)

Ir-Rumanija

Institutul National de Cercetare – Dezvoltare pentru Geologie si Geoecologie Marina (GeoEcoMar)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

National Oceanography Centre Southampton (NOC)


L-osservaturi

Pajjiżi

Entitajiet Rappreżentanti

 

 

 

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

1.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/19


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333, kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1755, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44, kif implimentat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1752 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

(2016/C 363/02)

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni li jidhru fl-Annessi II u IV għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 (1), kif emendata mid-Deċiżjoni (PESK) 2016/1755 (2), u fl-Anness III għar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 (3) kif implimentat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1752 (4) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li l-persuni li jidhru fl-Annessi msemmija hawn fuq għandhom jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 u fir-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni kkonċernati għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i rilevanti kif indikat fis-siti elettroniċi fl-Anness IV għar-Regolament (UE) 2016/44, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex il-fondi ffriżati jintużaw għal ħtiġijiet bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi (ara l-Artikolu 8 tar-Regolament).

Il-persuni kkonċernati jistgħu jibagħtu talba lill-Kunsill, flimkien ma’ dokumentazzjoni ta’ sostenn, biex id-deċiżjoni li huma jiġu inklużi fil-lista msemmija hawn fuq tiġi kkunsidrata mill-ġdid, fl-indirizz li ġej:

Council of the European Union

General Secretariat

DG C 1C

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika: sanctions@consilium.europa.eu

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni kkonċernati anke għall-possibbiltà li jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 275, it-tieni paragrafu, u l-Artikolu 263, ir-raba’ u s-sitt paragrafi, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 206, 1.8.2015, p. 34.

(2)  ĠU L 268, 1.10.2016, p. 85.

(3)  ĠU L 12, 19.1.2016, p. 1.

(4)  ĠU L 268, 1.10.2016, p. 77.


1.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/20


Avviż għall-attenzjoni tas-suġġetti tad-data li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 kif implimentat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1752 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

(2016/C 363/03)

Qed tinġibed l-attenzjoni tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni li ġejja, f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Il-bażi ġuridika għal din l-operazzjoni ta’ pproċessar hija r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 (2), kif implimentat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1752 (3).

Il-kontrollur ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar hu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rrappreżentat mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ C (Affarijiet Barranin, Tkabbir, Protezzjoni Ċivili) tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u d-dipartiment fdat bl-operazzjoni ta' pproċessar hu l-Unità 1C tad-DĠ C li wieħed jista' jikkuntattja f’dan l-indirizz:

Council of the European Union

General Secretariat

DGC 1C

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

posta elettronika: sanctions@consilium.europa.eu

L-għan tal-operazzjoni ta’ pproċessar huwa l-istabbiliment u l-aġġornament tal-lista ta’ persuni soġġetti għal miżuri restrittivi f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/44, kif implimentat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1752.

Is-suġġetti tad-data huma l-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji għall-elenkar fil-lista kif stipulati f’dak ir-Regolament.

Id-data personali miġbura tinkludi d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tajba tal-persuna kkonċernata, id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet u kwalunkwe data oħra relatata.

Id-data personali miġbura tista' titqassam skont kif ikun meħtieġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni.

Mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(1)(a) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, it-talbiet għal aċċess, kif ukoll it-talbiet għal rettifika jew oġġezzjoni jitwieġbu f’konformità mat-taqsima 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/644/KE (4).

Id-data personali ser tinżamm għal 5 snin minn meta s-suġġett tad-data jkun tneħħa mil-lista ta’ persuni soġġetti għall-iffriżar tal-assi jew il-validità tal-miżura tkun skadiet, jew sakemm ikunu fis-seħħ il-proċedimenti tal-qorti f’każ li dawn ikunu nbdew.

Is-suġġetti tad-data jistgħu jirrikorru għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.


(1)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 12, 19.1.2016, p. 1.

(3)  ĠU L 268, 1.10.2016, p. 77.

(4)  ĠU L 296, 21.9.2004, p. 16.


Il-Kummissjoni Ewropea

1.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/21


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-30 ta’ Settembru 2016

(2016/C 363/04)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1161

JPY

Yen Ġappuniż

113,09

DKK

Krona Daniża

7,4513

GBP

Lira Sterlina

0,86103

SEK

Krona Żvediża

9,6210

CHF

Frank Żvizzeru

1,0876

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

8,9865

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,021

HUF

Forint Ungeriż

309,79

PLN

Zloty Pollakk

4,3192

RON

Leu Rumen

4,4537

TRY

Lira Turka

3,3576

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4657

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4690

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,6547

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5369

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5235

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 229,76

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

15,5238

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,4463

HRK

Kuna Kroata

7,5220

IDR

Rupiah Indoneżjan

14 566,22

MYR

Ringgit Malażjan

4,6148

PHP

Peso Filippin

54,015

RUB

Rouble Russu

70,5140

THB

Baht Tajlandiż

38,695

BRL

Real Brażiljan

3,6210

MXN

Peso Messikan

21,7389

INR

Rupi Indjan

74,3655


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

1.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/22


Avviż tal-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri antidumping

(2016/C 363/05)

1.   Kif previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), il-Kummissjoni tinnotifika li, sakemm ma jitnediex rieżami skont il-proċedura li ġejja, il-miżuri antidumping imsemmija hawn taħt se jiskadu fid-data msemmija fit-tabella hawn taħt.

2.   Proċedura

Il-produtturi tal-Unjoni jistgħu jressqu talba bil-miktub għal rieżami. Din it-talba trid tinkludi biżżejjed evidenza li l-iskadenza tal-miżuri aktarx li twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ħsara. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħmel rieżami tal-miżuri kkonċernati, l-importaturi, l-esportaturi, ir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur u l-produtturi tal-Unjoni jingħataw l-opportunità li jelaboraw, jirrifjutaw jew jikkummentaw dwar il-kwistjonijiet imsemmija fit-talba għal rieżami.

3.   Limitu ta’ żmien

Il-produtturi tal-Unjoni jistgħu jressqu talba bil-miktub għal rieżami abbażi ta’ dak li ssemma hawn fuq, li għandha tasal għand il-European Commission, Directorate-General for Trade (Unit H-1), CHAR 4/39, 1049 Brussels, Belgium (2) fi kwalunkwe żmien mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż, iżda mhux aktar tard minn tliet xhur qabel id-data msemmija fit-tabella ta’ hawn taħt.

4.   Dan l-avviż huwa ppubblikat skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

Il-Prodott

Pajjiż(i) tal-oriġini jew tal-esportazzjoni

Miżuri

Referenza

Id-data ta’ skadenza (3)

Ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura tal-ħadid jew tal-azzar

Ir-Russja, l-Ukrajna

Dazju antidumping

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 585/2012 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Russja u l-Ukraina, wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment ta’ reviżjoni ta’ skadenza dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Kroazja.(ĠU L 174, 4.7.2012, p. 5)

5.7.2017


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  TRADE-Defence-Complaints@ec.europa.eu

(3)  Il-miżura tiskadi f’nofsillejl tal-jum imsemmi f’din il-kolonna.


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

1.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/23


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8136 — BASF/Chemetall)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 363/06)

1.

Fis-26 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha BASF SE (“BASF”, il-Ġermanja) takkwista fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll ta' Rockwood Specialities Group GmbH kollu kemm hu (“Rockwood”, il-Ġermanja) u Chemetall U.S. Inc. kollha kemm hi (l-Istati Uniti tal-Amerika, flimkien ma' Rockwood imsemmija bħala “Chemetall”) permezz ta' xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

BASF hija kumpanija tal-kimika dinjija, attiva f’ħames segmenti prinċipali ta' prodotti: kimiċi, prodotti tal-prestazzjoni, materjali funzjonali u soluzzjonijiet (fosthom kisjiet), soluzzjonijiet agrikoli u ż-żejt u l-gass. Id-diviżjoni tal-kisi ta' BASF tiżviluppa, tipproduċi u tbigħ kisjiet OEM għall-karozzi, refinishes tal-karozzi u kisjiet industrijali kif ukoll żebgħa dekorattiva,

Chemetall tiżviluppa, timmanifattura u tissupplixxi prodotti għat-trattament tal-wiċċ (surface) u servizzi għal firxa ta’ industriji fosthom dawk tal-ajruspazju, tal-aluminju u tal-karozzi kif ukoll tal-industrija ġenerali. Chemetall tħaddem 22 sit ta’ produzzjoni f'20 pajjiż.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f'dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista' jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta' referenza M.8136 — BASF/Chemetall, fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


1.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/24


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8004 — Akzo Nobel/BASF Industrial Coatings Business)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 363/07)

1.

Fis-26 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 u wara referenza skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża AkzoNobel NV (“AkzoNobel”, il-Pajjiżi l-Baxxi), takkwista fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll tan-negozju tal-kisi industrijali ta' BASF SE (“BASF IC”, il-Ġermanja) permezz ta’ xiri ta' ishma u beni. L-istess konċentrazzjoni diġà kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fl-4 ta' Lulju 2016, iżda l-avviż ġie sussegwentement irtirat fid-29 ta' Lulju 2016.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal AkzoNobel: attiva fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ żebgħat, kisjiet ta’ prestazzjoni u kimiċi ta’ speċjalità, attiva globalment.

—   għal BASF IC: manifattura u distribuzzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ kisi industrijali fosthom kisi tal-kojl, kisi tal-folji tal-għamara u tal-pannelli, kisi kontra r-riħ, kisi protettiv u kisi tat-trasport kummerċjali, attiva globalment.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista' jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bir-referenza M.8004 — Akzo Nobel/BASF Industrial Coatings Business, fl-indirizz li jmiss:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).


1.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/25


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Il-Każ M.7962 — ChemChina/Syngenta)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 363/08)

1.

Fit-23 ta’ Settembru 2016 il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża China National Chemical Corporation (“ChemChina”, iċ-Ċina) takkwista fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll tal-impriża Syngenta AG kollha kemm hi (“Syngenta”, l-Iżvizzera) permezz tax-xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal ChemChina: materjali kimiċi ġodda u speċjalità kimika, kimiċi bażiċi, ipproċessar u raffinar taż-żejt, apparat kimiku, prodotti tal-lastku, u agrokimiċi,

—   għal Syngenta: l-agrinegozju, b’mod partikolari, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, iż-żrieragħ u prodotti tal-lawn u tal-ġnien.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista' jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permez tal-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bir-referenza l-Każ M.7962 — ChemChina/Syngenta, f'dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).


1.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/26


Bidu ta’ proċeduri

(Il-Każ M.7995 — Deutsche Börse/London Stock Exchange Group)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 363/09)

Fit-28 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni iddeċidiet li tibda proċeduri fil-każ ta’ hawn fuq wara li sabet li l-konċentrazzjoni nnotifika tqajjem dubji serji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Il-bidu tal-proċeduri jiftaħ it-tieni fażi ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni nnotifikata, u jsir mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali dwar il-każ. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Il-Kummissjoni tistieden lil partijiet terzi interessati sabiex jissottomettu lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet li jistgħu jkollhom dwar il-konċentrazzjoni proposta.

Sabiex l-osservazzjonijiet jiġu kkunsidrati bis-sħiħ fil-proċedura, dawn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni mhux iktar tard minn 15-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni. L-osservazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-fax (+32 22964301) jew b’email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, bir-referenza M.7995 — Deutsche Börse/London Stock Exchange Group, fl-indirizz li ġej:

Kummissjoni Ewropea

Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni,

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).