ISSN 1977-0987 |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303 |
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 59 |
Avviż Nru |
Werrej |
Paġna |
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet |
|
|
OPINJONIJIET |
|
|
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew |
|
|
il-517 Sessjoni Plenarja tal-KESE fis-25 u t-26 ta' Mejju 2016 |
|
2016/C 303/01 |
||
2016/C 303/02 |
||
2016/C 303/03 |
||
2016/C 303/04 |
||
2016/C 303/05 |
||
2016/C 303/06 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar REFIT (Opinjoni esploratorja) |
|
2016/C 303/07 |
||
2016/C 303/08 |
||
2016/C 303/09 |
|
III Atti preparatorji |
|
|
IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW |
|
|
il-517 Sessjoni Plenarja tal-KESE fis-25 u t-26 ta' Mejju 2016 |
|
2016/C 303/10 |
||
2016/C 303/11 |
||
2016/C 303/12 |
||
2016/C 303/13 |
||
2016/C 303/14 |
||
2016/C 303/15 |
||
2016/C 303/16 |
||
2016/C 303/17 |
||
2016/C 303/18 |
||
2016/C 303/19 |
||
2016/C 303/20 |
||
2016/C 303/21 |
||
2016/C 303/22 |
MT |
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet
OPINJONIJIET
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
il-517 Sessjoni Plenarja tal-KESE fis-25 u t-26 ta' Mejju 2016
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-faħam indiġenu fit-tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE”
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2016/C 303/01)
Relatur Ġenerali: |
is-Sur Dumitru FORNEA |
Korelatur Ġenerali: |
is-Sinjura Renata EISENVORTOVA |
Nhar id-19 ta’ Frar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
“Il-kontribut ta' riżorsi indiġeni tal-faħam u l-linjite għas-sigurtà tal-enerġija fl-UE”.
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Novembru 2015.
Fil-laqgħa tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2016, il-Bureau ddeċieda li jibdel it-titolu tal-Opinjoni għal
“Il-faħam indiġenu fit-tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE”.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’139 vot favur, 17-il vot kontra u 54 astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Matul it-tranżizzjoni tal-enerġija lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet, is-sistema tal-enerġija tal-UE qed tiffaċċja perjodu ta’ tibdil teknoloġiku, ekonomiku u soċjali profond li ser jolqot diversi setturi tal-enerġija, inkluża l-industrija tal-faħam u b’hekk ir-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri fl-UE. |
1.2 |
F’xi Stati Membri, il-faħam u l-linjite indiġeni għadhom importanti għall-elettriku u s-sħana. Huma jikkontribwixxu għal provvista tal-enerġija sigura u affordabbli u għal kompetittività ekonomika, u jaqdu rwol stabbilizzanti fis-sistema tal-enerġija, kemm teknikament kif ukoll ekonomikament. |
1.3 |
Madankollu, ir-reġjuni fejn attwalment issir estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri għandhom jippreparaw għall-eliminazzjoni gradwali ta’ produzzjoni tal-faħam sabiex jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tal-politika tal-UE għall-enerġija u l-klima rigward l-użu tal-karburanti fossili jew għal raġunijiet ekonomiċi. |
1.4 |
Il-futur tar-reġjuni li bħalissa jiddependu mill-użu tal-faħam u l-kondizzjonijiet ta' għajxien fil-futur f'dawn ir-reġjuni għandhom jiġu inklużi fl-ippjanar minn qabel li jkopri żewġ ġenerazzjonijiet, jiġifieri, 25-50 sena. L-eliminazzjoni b'mod gradwali tal-użu tal-faħam għall-bżonnijiet ta' enerġija f'dawn ir-reġjuni ma jistax jitħalla li jwassal għall-istaġnar tagħhom. Fid-dawl tal-potenzjal ekonomiku u soċjali tagħhom, dawn ir-reġjuni għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-klima. L-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn ir-reġjuni għandu jintlaħaq permezz ta’ garanzija ta’ djalogi politiċi, ċiviċi u soċjali li għandhom jiżguraw li jkun hemm pjani għal tranżizzjoni fuq livelli nazzjonali, tal-industrija u tal-intrapriża. |
1.5 |
Sabiex jinżammu s-sigurtà tal-enerġija, industrija kompetittiva, il-protezzjoni ambjentali, impenji marbutin mat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-koeżjoni soċjali fir-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri, il-KESE jirrakkomanda “Pjan ta’ Appoġġ għat-Tranżizzjoni lill-Komunitajiet u Reġjuni Dipendenti mill-Produzzjoni tal-Faħam” (il-“Pjan”), li jindirizza kwistjonijiet ta' ristrutturar fl-industrija tal-faħam matul it-tranżizzjoni, sabiex ir-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri ikunu jistgħu jadattaw għat-tibdil. |
1.6 |
Il-“Pjan” jista' jiġi żviluppat minn grupp konsultattiv f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew. Il-membri ta’ dan il-grupp konsultattiv għandhom ikunu rappreżentanti tar-reġjuni tal-minjieri, junjins, NGOs, riċerka u żvilupp u l-industrija tal-faħam. |
1.7 |
Il-Pjan għandu jkun ibbażat fuq tliet pilastri: (i) djalogi politiċi, ċiviċi u soċjali; (ii) investimenti ekonomiċi, soċjali u ambjentali; u (iii) investimenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-kultura. |
1.8 |
Il-Pjan għandu jinkoraġġixxi lir-reġjuni biex jinbidlu, iħeġġul-iżvilupp innovattiv, iżommu l-kapaċità tagħhom li jattiraw l-investiment u joħolqu opportunitajiet ta’ impjieg u ħajja deċenti. F’dan il-proċess ta’ tranżizzjoni, hemm bżonn jiġu sfruttati bis-sħiħ il-kompetenzi u l-potenzjal tar-reġjuni tal-minjieri. |
1.9 |
L-awtoritajiet reġjonali, il-gvernijiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE kollha għandhom jimpenjaw ruħhom fit-tranżizzjoni tal-enerġija u r-ristrutturazzjoni relatat tar-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri. |
1.10 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni għandhom l-esperjenza neċessarja biex ikunu involuti f’dan il-proċess, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. Huma jistgħu wkoll jipprovdu qafas effettiv għad-djalogu politiku, soċjali u ċiviku li huwa meħtieġ għal konsultazzjoni ma’ persuni mir-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri. |
1.11 |
Fir-rigward tat-tranżizzjoni tal-enerġija, waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin tar-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri fl-UE hij al-eżistenza ta’ qafas istituzzjonali u politiku adatt li jista' jsaħħaħ l-investimenti pubbliċi u privati li se jkunu meħtieġa fis-snin li ġejjin. |
2. It-tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE
2.1 |
Matul l-aħħar għaxar snin, l-UE rat bidliet importanti fis-sistema tal-enerġija tagħha. L-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex timxi lejn ekonomija b’użu baxx tal-karbonju u biex tilħaq l-għanijiet tagħha għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’rispons għall- “miri 20-20-20” tagħha. Fl-2014, l-UE approvat il-qafas għall-klima u l-enerġija sal-2030 bi tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, sehem ta’ 27 % ta’ konsum tal-enerġija rinnovabbli u 27 % ta' ffrankar tal-enerġija. Dawn il-miri intermedji għandhom l-għan li jgħinu lill-UE biex tilħaq il-mira fit-tul tagħha sal-2050 għal tnaqqis ta’ gassijiet b’effett ta’ serra bi 80–95 % fl-emissjonijiet. |
2.2 |
Għalhekk, is-sistema tal-enerġija tal-UE qed titbiegħed minn era kkaratterizzata minn karburanti fossili u produzzjoni tal-elettriku minn impjanti tal-enerġija ċentrali kbar lejn il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u mpjanti deċentralizzati, filwaqt li jiġu massimizzati l-opportunitajiet disponibbli miż-żieda fl-effiċjenza enerġetika u l-ġestjoni aħjar tad-domanda għall-enerġija. |
2.3 |
It-tranżizzjoni tal-enerġija u l-politika ambizzjuża tal-UE għall-ambjent ingħataw appoġġ qawwi fil-proġett tal-Unjoni tal-Enerġija u kienu promossi ferm wara l-Ftehim ta’ Pariġi li jibgħat sinjal ċar għat-tnaqqis tal-emissjonijiet b’mod suffiċjenti sabiex iż-żieda tat-temperatura medja globali tinżamm taħt il-livell limitu miftiehem ta' 2 oC sa tmiem is-seklu. |
2.4 |
Sabiex il-klima tiġi stabbilizzata, huma meħtieġa bidliet kbar fis-sistemi tal-enerġija fis-setturi ekonomiċi kollha (1). |
2.5 |
It-tranżizzjoni tal-enerġija tinvolvi aspetti ta' teknoloġija, riċerka, soċjetali, kulturali, ekonomiċi u ambjentali u hemm implikazzjoni ċara li dan ifisser rwol aktar attiv għal individwi u komunitajiet. Dan il-proċess jeħtieġ enfasi speċjali fuq ir-riċerka u l-iżvilupp peress li jippreżenta sfidi ġodda għas-sistema tal-enerġija u s-setturi tal-industrija li għandhom jirreaġixxu u jadattaw għal din is-sitwazzjoni. |
3. Il-faħam u tal-industrija tal-faħam fl-Ewropa
3.1 |
L-industrija tal-faħam hija waħda mis-setturi affettwati ħafna mit-tranżizzjoni tal-enerġija. Għal mijiet ta’ snin, il-faħam kien fiċ-ċentru tal-iżviluppi industrijali u soċjetali fl-Ewropa u madwar id-dinja. L-Unjoni Ewropea stess inħolqot minn att ta’ rieda politika biex ir-riżorsi tal-produzzjoni tal-faħam u tal-azzar tal-ewwel sitt Stati Membri fundaturi jinġabru flimkien (2). |
3.2 |
It-tħassib attwali dwar il-protezzjoni ambjentali, it-tibdil fil-klima u saħħet il-bniedem (3), wasslu għal firxa ta’ approċċi politiċi u soċjetali li jqajmu dubji dwar il-ħtieġa li nissoktaw bl-użu tal-faħam u fjuwils fossili oħrajn għall-produzzjoni tal-elettriku u s-sħana. |
3.3 |
B'dan l-approċċ politiku ġdid, il-ġranet tal-faħam jidhru magħduda, minkejja l-fatt li attwalment, aktar minn kwart tal-elettriku tal-UE għadu ġġenerat minn 280 impjant tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam f’22 pajjiż. Sitt pajjiżi biss ma għandhomx enerġija mill-faħam: Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu u Malta (4). |
3.4 |
Filwaqt li l-idea tal-eliminazzjoni gradwali tal-faħam mit-taħlita enerġetika tidher ġeneralment aċċettata f’dawk l-Istati Membri fejn mhumiex sfruttati riżorsi ta’ faħam indiġenu, dan mhuwiex il-każ għar-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri fl-UE, fejn is-settur tal-faħam jipprovdi impjieg dirett lil 240 000 ħaddiem. Bl-impjiegi fl-industrija tat-tagħmir għall-minjieri, impjiegi oħrajn fil-katina tal-provvista u impjiegi indiretti, l-industrija tappoġġja kważi miljun impjieg f'ħafna reġjuni li m'għandhomx wisq aktar opportunitajiet ta' mpjieg (5). |
3.5 |
Sitt Stati Membri għandhom minjieri tal-faħam iebes: ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Polonja, ir-Rumanija, Spanja u r-Renju Unit. Għaxar Stati Membri jisfruttaw il-linjite bħala fjuwil kompetittiv għall-ġenerazzjoni tal-enerġija: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja. |
3.6 |
F’dawn il-pajjiżi, il-faħam u l-linjite indiġeni jaqdu rwol importanti għas-sigurtà tal-provvista u b’hekk jgħinu biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija tal-UE u biex titnaqqas id-dipendenza għolja mill-importazzjonijiet. Kif stipulat fl-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija (6), l-ispiża tal-enerġija esterna tal-UE tirrappreżenta aktar minn EUR 1 biljun għal kull ġurnata. Fl-2013, it-total tal-ispiża kien madwar EUR 400 biljun, jiġifieri aktar minn wieħed minn ħamsa tat-total tal-importazzjoniijiet tal-UE. Kien meħtieġ jiġu importati 90 % taż-żejt grezz, 66 % tal-gass naturali, 42 % tal-karburanti solidi u 40 % tal-fjuwil nukleari. F’xi Stati Membri tal-UE bi produzzjoni ta’ faħam indiġenu fuq skala kbira, pereżempju fil-Ġermanja u fir-Repubblika Ċeka, madwar 50 % tal-elettriku huma ġġenerati minn impjanti tal-elettriku li jużaw il-faħam. Fil-Polonja, dan is-sehem jaqbeż it-80 %. |
3.7 |
Minbarra l-użu tiegħu fil-produzzjoni tal-elettriku, il-faħam għandu ħafna użi oħrajn. Jintuża għall-manifattura tas-siment u jista' jinbidel f'karburanti likwidi. Utenti prinċipali tal-faħam oħrajn jinkludu r-raffineriji tal-azzar, il-manifatturi tal-karta, l-industriji tal-kimika u tal-farmaċewtika, u s-settur tal-ipproċessar tal-ikel. |
3.8 |
Il-faħam huwa wkoll ingredjent essenzjali fil-manifattura ta’ prodotti speċjalizzati bħall-karbonju attivat li jintuża fil-filtri jew il-fibra tal-karbonju li tintuża fis-settur tal-ajruspazju, fl-inġinerija ċivili, fis-settur militari, eċċ. Insibu proċessi industrijali għall-manifattura ta’ fjuwils sintetiċi jew ta' kimiki bażiċi meħtieġa mill-industrija, bħal pereżempju l-metanol. Mill-metanol, tista' tiġi manifatturata firxa wiesa' ta’ prodotti petrokimiki li issa huma prodotti minn fjuwils fossili oħrajn. |
3.9 |
Biex jinkiseb l-għan ta’ Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem, is-setturi tal-enerġija tal-UE jridu jaħdmu b’mod serju u intensiv dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija li hemm bżonn. L-industrija tal-faħam għandha tiffoka fuq użu aktar effiċjenti u nadif u tiżviluppa użi alternattivi għall-faħam. Għalhekk, l-UE għandha talloka l-fondi meħtieġa għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tal-kimika tal-faħam. |
4. Miżuri għal użu tal-faħam b'inqas impatt negattiv u aktar effiċjenti
4.1 |
Anki jekk l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam fl-UE hija mistennija li tasal f'xi punt fil-ġejjieni, f’xi pajjiżi u reġjuni tal-estrazzjoni mill-minjieri il-faħam se jibqa’ jintuża għal numru ta' deċennji li ġejjin. Skont it-Trattat ta’ Lisbona, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jisfruttaw ir-riżorsi tagħhom tal-enerġija u li jiddeterminaw it-taħlita tas-sorsi tal-enerġija, bl-għarfien li ma għandu jkun hemm l-ebda sussidju għall-produzzjoni tal-enerġija u filwaqt li jiftakru fl-obbligi kollha dwar it-tibdil fil-klima. Madankollu, l-industrija tal-faħam għandha tirrispondi għat-tranżizzjoni enerġetika li għaddejja bħalissa, iċ-ċaqliq lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u b’mod speċjali l-għan ta’ dekarbonizzazzjoni bl-użu tal-miżuri kollha disponibbli u t-tekniki favur impatt iżgħar u aktar effiċjenti fl-użu tal-faħam. F'dan ir-rigward, tajjeb jissemmew diversi għodod ta' benefiċċju u affidabbli: żieda fl-effiċjenza, flessibiltà u koġenerazzjoni. |
4.2 |
Peress li l-produzzjoni tal-elettriku tirrappreżenta l-akbar użu ta’ faħam, iż-żieda fl-effiċjenza hija għodda importanti fl-użu tal-faħam b'inqas tniġġis. B’effiċjenza għolja, jista’ jiġi prodott aktar elettriku minn kull tunnellata ta’ faħam u l-emissjonijiet tas-CO2 jistgħu jitnaqqsu bi 30 % jew aktar. Eżempji tajbin għal impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam b’effiċjenza għolja jistgħu jinstabu fil-Ġermanja, f’impjanti tal-enerġija li jaħdmu b'teknoloġija ta' sistemi ottimizzati. Dawn l-impjanti li jaħdmu bil-faħam huma wkoll flessibbli ħafna u jistgħu jżidu jew inaqqsu l-produzzjoni tagħhom malajr, u b’hekk jappoġġjaw l-enerġija rinnovabbli intermittenti. |
4.3 |
Il-koġenerazzjoni (produzzjoni ta' elettriku u sħana fl-istess ħin, jew CHP) hija forma effettiva u effiċjenti ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija, li toffri benefiċċji sinifikanti, kemm f’termini ta’ enerġija kif ukoll ambjentali. L-impjanti ta' ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali jarmu s-sħana fl-ambjent. L-impjanti ta’ koġenerazzjoni jirkupraw din is-sħana u jużawha, u għalhekk jużaw il-fjuwil b’mod aktar effiċjenti. Attwalment l-UE tiġġenera 11,7 % tal-elettriku tagħha bil-koġenerazzjoni (7). |
4.4 |
Fit-terminu medju, hemm it-tama li l-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS) jistgħu jaqdu rwol f’ekonomija dekarbonizzata. Il-proċessi eżistenti jridu jittejbu fil-livell ta' skala, l-infrastruttura u l-ħażna għandhom jittejbu, u qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni li tirrikjedi CCS il-kompetittività tal-elettriku minn impjanti bbażati fuq il-faħam trid tkun ċara. Għanda ssir analiżi tal-kostijiet-benefiċċji u tal-impatt ambjentali. |
4.5 |
Fil-kunsiderazzjoni tal-użu effiċjenti u b'inqas tniġġis tal-faħam, għandhom jissemmew ukoll użi alternattivi tal-faħam, pereżempju l-likwefazzjoni tal-faħam. Il-faħam jista’ jiġi mibdul fi fjuwils likwidi — petrol, diżil, fjuwil tal-ġett jew petrokimiki. It-teknoloġiji jiġu żviluppati, iżda l-investiment u l-ispejjeż operattivi jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
5. Ir-reġjuni Ewropej tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri u l-futur tagħhom
5.1 Is-sitwazzjoni fir-reġjuni Ewropej tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri
5.1.1 |
Ir-reġjuni tal-faħam huma żoni industrijali tradizzjonali, fejn l-industrijalizzazzjoni ġiet assoċjata mal-isfruttar tar-riżorsi minerali lokali. Għalhekk ir-reġjuni huma storikament marbuta ma’ setturi tradizzjonali tal-ekonomija bi rwol prinċipali min-naħa tal-industrija metallurġika tqila, l-industrija kimika u s-settur tal-enerġija. Dawn is-setturi u l-kumpaniji li joperaw fihom ġew esposti għal bidliet rapidi fl-ambjent estern (kundizzjonijiet tas-suq, il-kompetizzjoni, klijenti, teknoloġiji) u bidliet fundamentali interni (bidliet fis-sjieda, fl-għanijiet tas-sidien u s-saħħa kapitali) f’dawn l-aħħar snin. |
5.1.2 |
Minbarra l-bidliet ewlenin, xi industriji tradizzjonali esperjenzaw l-istaġnar, l-irtirar mir-reġjun jew anke t-tneħħija gradwali tal-operat tagħhom. F’xi reġjuni, il-faħam Ewropew ma setax jikkompeti mal-faħam importat jew sorsi ta’ enerġija fossili oħra, u dan ikkawża tnaqqis drammatiku fit-tħaffir tal-faħam. Nieħdu eżempju wieħed: 100 sena ilu r-Renju Unit ipproduċa madwar 300 miljun tunnellata ta’ faħam kull sena u kien iħaddem aktar minn miljun minatur. Id-deindustrijalizzazzjoni kkawżat it-telf ta’ impjiegi u minkejja dan il-kumpaniji tal-estrazzjoni tal-faħam għadhom uħud mill-ikbar impjegaturi f’għadd ta’ reġjuni. It-tneħħija gradwali jew il-waqfien totali tal-operazzjonijiet tal-kumpaniji tal-faħam għalhekk iħallu impatti serji fuq ir-reġjuni inkwistjoni Din is-sitwazzjoni kellha impatt kbir fuq kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju b’xi rabta mal-kumpaniji tal-minjieri. |
5.1.3 |
F’ħafna pajjiżi, ir-reġjuni tal-faħam huma kkaratterizzati minn rata ogħla ta’ qgħad mill-medja nazzjonali u minn qgħad fit-tul. Dan ifisser li ser ikun diffiċli għal kwalunkwe minatur li jitlef l-impjieg biex isib opportunitajiet ġodda tax-xogħol. Għaldaqstant, il-faqar, l-istaġnar u deterjorament fil-livell tal-għajxien, u l-għadd ta’ persuni u żoni soċjalment esklużi kollha qed jikbru. |
5.1.4 |
Il-problema ewlenija kkawżata miż-żieda fir-rati tal-qgħad hija l-provvista u d-domanda żbilanċjati fis-suq tax-xogħol. Fi kliem ieħor, b’kuntrast mal-livell għoli ta’ qgħad, id-domanda għall-ħaddiema hija ċara ħafna, iżda d-domanda hija għal ħiliet li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Il-profil edukattiv ta’ dawk li kienu ħaddiema fil-minjieri, b’ħiliet manwali predominanti, mhuwiex kompatibbli b’mod sħiħ mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, f’dak li jirrigwarda l-aspett professjonali (kwalifiki) u l-aspett personali (motivazzjoni). Meta numru kbir ta’ minaturi huma ssensjati bl-għeluq ta’ minjiera, ħafna impjiegi jisparixxu tista’ tgħid mil-lum għal għada, u dan jista’ jipproduċi xokkijiet lokali qawwija. |
5.1.5 |
Il-ħaddiema fl-industrija tal-estrazzjoni juru wkoll spirtu intraprenditorjali ħafna inqas żviluppat u ftit li xejn inklinazzjoni biex jidħlu f’negozji ġodda. In-nuqqas ta’ entużjażmu tagħhom għal negozju indipendenti huwa minħabba l-influwenza dejjiema eżerċitata fuqhom minn kumpaniji tal-minjieri kbar u b’saħħithom li kienu jippromovu kultura ta’ impjegat fost il-ħaddiema tagħhom, inkluż nuqqas ta’ rieda li jieħdu riskji. Madankollu, din it-tendenza tista’ tiġi osservata wkoll b’mod aktar ġenerali. Saħansitra anke l-istudenti universitarji jippreferu impjieg wara l-lawrja. |
5.1.6 |
Is-sitwazzjoni ħafna drabi hija aggravata min-nuqqas ta’ xogħol promettenti u prospetti tal-karriera, kondizzjonijiet anqas favorevoli biex isir negozju indipendenti, indiċijiet dwar standard baxx ta’ għajxien u l-prestazzjoni medjokri tal-innovazzjoni li magħhom huwa marbut ir-rwol iktar dgħajjef tax-xjenza, ir-riċerka u l-iżvilupp. Il-kapaċitajiet pubbliċi tar-Riċerka u l-Iżvilupp mhumiex żviluppati biżżejjed kullimkien u t-trasferiment tal-għarfien u l-applikazzjonijiet għas-settur tan-negozju mhux qed jaħdem tajjeb ħafna. Huwa wkoll għal dawn ir-raġunijiet li t-trasformazzjoni ekonomika hija sfida ikbar u diffiċli, u ma tirnexxix fil-każijiet kollha. |
5.2 Problemi ta’ ristrutturazzjoni fir-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri
5.2.1 |
F'pajjiżi produtturi tal-faħam fl-UE, ir-ristrutturar ta’ spiss sar bħala rispons għall-kriżijiet, mingħajr impenji politiċi adegwati. Dan wassal għal konsegwenzi drammatiċi għall-kwalità tal-ħajja għan-nies f’komunitajiet tal-minjieri. Kwalunkwe tnaqqis fil-produzzjoni tal-faħam għandu l-potenzjal li joħloq aktar qgħad, b’mod speċjali fir-reġjuni fejn hemm minjieri u li ilhom għaddejjin minn rigress strutturali fit-tul. Ħafna minn dawk li qabel kienu ħaddiema fil-minjieri u ħaddiema f'intrapriżi marbutin mal-estrazzjoni qed jiffaċċjaw qgħad fit-tul u ta’ spiss permanenti, u b’hekk iżidu l-faqar. |
5.2.2 |
Sfortunatament, bi ftit eċċezzjonijiet, l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali rilevanti s’issa segwew “politika tan-nagħma” f’termini tal-impatti mistennija tal-politiki dwar il-klima fuq l-industrija tal-minjieri tal-faħam, li tevita kwalunkwe djalogu ċiviku u soċjali xieraq mal-ħaddiema u ċ-ċittadini fil-komunitajiet tal-minjieri. Il-memorja ta’ eżerċizzji preċedenti ta’ ristrutturar, li saru abbażi ta’ wegħdiet politiċi populisti li fl-aħħar mill-aħħar ma materjalizzawx f’miżuri konkreti għall-iżvilupp ekonomiku mill-ġdid ta’ dawn il-komunitajiet, sal-lum huma riflessi f’livell ogħla ta’ nuqqas ta’ fiduċja min-naħa tal-ħaddiema fil-kapaċità tal-awtoritajiet biex jindirizzaw b’mod effettiv il-proċessi ta’ ristrutturar industrijali. |
5.2.3 |
Fl-istess ħin, livell baxx ta’ empatija u nuqqas ta’ fehim reali tal-problemi li jiffaċċjaw ir-reġjuni tal-minjieri jistgħu jiġu osservati fil-livell Ewropew u nazzjonali. Hemm tendenza lejn il-politiċizzazzjoni eċċessiva tad-dibattitu dwar il-futur tal-estrazzjoni fil-kuntest tal-politiki dwar il-klima, speċjalment fir-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri fejn l-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-faħam ma jeħtiġux għajnuna mill-istat, iżda wkoll fir-reġjuni tal-minjieri fejn l-industrija tal-faħam diġà tinsab fil-proċess diffiċli ta’ ristrutturar, fejn il-politiċi jevitaw is-suġġett, għaliex il-miżuri ta’ tranżizzjoni lejn profil reġjonali ġdid ma jiksbu ebda kapital elettorali immedjati, mhumiex popolari u jeħtieġu għexieren ta’ snin biex juru riżultati. |
5.2.4 |
Billi hemm rabta ċara bejn tnaqqis gradwali tal-faħam u l-politika dwar it-tibdil fil-klima, parti tal-politika Ewropea li tindirizza l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-klima għandha tkun li tgħin lil dawk ir-reġjuni li qed isofru minn bidliet struttural, jiġifieri reġjuni tal-minjieri tal-faħam. |
5.2.5 |
Spiss ikun hemm sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet lokali ma jkollhomx il-kapaċità finanzjarja u amministrattiva biex jiffinanzjaw proġetti u jamministrawhom skont ir-rekwiżiti speċifiċi tal-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali, u għaldaqstant il-fondi Ewropej jipproduċu riżultati kemxejn limitati f’termini ta’ opportunitajiet u kwalità tal-ħajja għan-nies fil-komunitajiet tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri. |
5.3 Il-kundizzjonijiet, il-possibbiltajiet u l-miżuri għar-ristrutturar tar-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri
5.3.1 |
Tranżizzjoni ġusta (8) għall-komunitajiet tal-minjieri tista’ tkun assigurata jekk l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej ifasslu pjan f’waqtu u ffokat ta’ miżuri sabiex: jiġu salvagwardjati pagi deċenti u s-sikurezza tal-impjieg għall-ħaddiema involti; jiġi faċilitat it-taħriġ, l-iżvilupp tal-ħiliet u r-riallokazzjoni b’alternattivi ta’ xogħol deċenti; ir-rispett tad-drittijiet tal-bnieem u l-garanzija ta’ miżuri ta’ protezzjoni soċjali, inklużi l-pensjonijiet, bħala appoġġ għan-nies matul it-tranżizzjoni; u jiġu żgurati l-investimenti fit-tiġdid tal-komunità, inkluż l-għeluq tal-minjieri u attivitajiet ta’ reklamazzjoni fis-siti tal-minjieri, jew il-kostruzzjoni u s-servizzi assoċjati mat-tranżizzjoni tal-enerġija. |
5.3.2 |
Għalhekk, dawn ir-reġjuni għandhom bżonn urġenti ta’ assistenza finanzjarja u xjentifika, u mhux biss biex jevolvu lejn mudell ekonomiku u soċjali ġdid, iżda wkoll biex jimmaniġjaw, fi żmien raġonevoli, diversi perikli għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent assoċjati ma’ attivitajiet tal-estrazzjoni mill-minjieri attwali u storiċi. F’dan ir-rigward, l-entitajiet u l-awtoritajiet ta’ stħarriġ ġeoloġiku tal-Istati Membri responsabbli għall-għeluq tal-minjieri u r-restawr tagħhom iridu jikkooperaw biex tinġabar u tkun miżmuma data dwar il-minerali u l-minjieri u biex jiġu identifikati r-riskji ewlenin marbuta ma’ attivitajiet tal-estrazzjoni mill-minjieri passati, l-għeluq tal-minjieri jew il-konservazzjoni tagħhom. |
5.3.3 |
Il-futur tar-reġjuni li bħalissa jiddependu mill-użu tal-faħam u l-kondizzjonijiet ta' għajxien fil-futur f'dawn ir-reġjuni għandhom jiġu inklużi fl-ippjanar minn qabel li jkopri żewġ ġenerazzjonijiet, jiġifieri, 25-50 sena. L-eliminazzjoni b'mod gradwali tal-użu tal-faħam għall-bżonnijiet ta' enerġija f'dawn ir-reġjuni ma jistax jitħalla li jwassal għall-istaġnar tagħhom. Fid-dawl tal-potenzjal ekonomiku u soċjali tagħhom, dawn ir-reġjuni għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-klima. L-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn ir-reġjuni għandu jintlaħaq permezz tal-garanzija ta’ djalogi politiċi, ċiviċi u soċjali li jridu jiżguraw li hemm pjani għal tranżizzjoni fil-livell nazzjonali, tal-industrija u tal-intrapriża. |
5.3.4 |
It-tnaqqis fl-attrazzjoni għal investituri barranin u lokali ġodda għandu jitwaqqaf ukoll; barra mill-ħiliet mhux adegwati tal-forza tax-xogħol, l-attrazzjoni hija mxekkla minn nuqqas ta’ żoni adatti u ppreparati sew għal proprjetajiet kummerċjali u żoni industrijali strateġiċi kbar. |
5.3.5 |
Għalhekk, is-sitwazzjoni mhijiex faċli għal dawk in-nies li qabel kienu ħaddiema fil-minjieri tal-faħam. Rappreżentanti mdawla fir-reġjuni tal-faħam għandhom jappellaw lill-gvernijiet nazzjonali u flimkien għandhom iħejju għar-ristrutturar u l-iżvilupp tar-reġjuni tal-faħam ferm qabel kwalunkwe tnaqqis jew tneħħija gradwali tal-minjieri tal-faħam ippjanat. |
5.3.6 |
L-awtoritajiet reġjonali, il-gvernijiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE kollha għandhom jimpenjaw ruħhom mat-tranżizzjoni tal-enerġija u r-ristrutturar relatata fir-reġjuni tal-minjieri tal-faħam. |
5.3.7 |
Madankollu, ir-reġjuni tal-faħam għandhom potenzjal konsiderevoli kemm għal ristrutturar kif ukoll għal żvilupp. Sett ta’ miżuri ta’ żvilupp għandu jiġi ppreparat, li jinkludi l-promozzjoni tar-Riċerka u l-Iżvilupp f’ambjent innovattiv u li jħaddan l-oqsma tradizzjonali li baqgħu attivi fir-reġjuni tal-faħam kif ukoll setturi ġodda li qed jespandu. |
5.3.8 |
L-infrastruttura tal-enerġija eżistenti u r-riżorsi umani kkwalifikati mir-reġjuni tal-minjieri tal-faħam għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ, u f’dan ir-rigward, fost il-miżuri li għandhom jiġu appoġġati għandu jkun hemm il-promozzjoni ta’ investiment pubbliku u privat. Il-kumpaniji eżistenti u atturi oħrajn tas-suq iridu jinvestu ħafna f’faċilitajiet ġodda ta’ produzzjoni, inklużi faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. |
5.3.9 |
Studji ta’ fattibilità jistgħu juru li xi reġjuni tal-minjieri tal-faħam mhux biss għandhom potenzjal kbir għall-produzzjoni tal-enerġija mix-xemx, mir-riħ jew ġeotermali, iżda qed jissodisfaw b’iżjed faċilità l-kondizzjonijiet meħtieġa għal investiment u implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ekoloġiċi: aċċess faċli għall-art għal faċilitajiet tal-produzzjoni ġodda, riżorsi umani b’ħiliet jew ir-rieda li wieħed jitħarreġ mill-ġdid, awtoritajiet pubbliċi lokali familjari mal-isfidi tas-settur tal-enerġija u komunitajiet lokali mdorrija għal proġetti industrijali. |
5.3.10 |
Kumpaniji tal-minjieri attwali huma s-sidien jew iżommu taħt konċessjoni, żoni kbar ta’ art u/jew mijiet ta’ kilometri ta’ mini taħt l-art li jistgħu jintużaw fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-unitajiet tal-minjieri għandhom interkonnessjoni affidabbli man-netwerks reġjonali u nazzjonali għat-trasportazzjoni tal-enerġija. |
5.3.11 |
Sabiex jitħeġġeġ aktar investiment mis-settur privat, li għandu rwol ewlieni x’jaqdi, il-Fondi Ewropej Strutturali u għall-Innovazzjoni (ESI) jiggarantixxu minimu ta’ EUR 27 biljun f’investimenti speċifikament għall-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, inkluża l-effiċjenza fl-enerġija. Minimu ta’ 12 %, 15 % jew 20 % tal-allokazzjoni nazzjonali tal-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jeħtieġ li jkun investit biex tiġi appoġġata l-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju fis-setturi kollha f’reġjuni anqas żviluppati, reġjuni fi tranżizzjoni u reġjuni aktar żviluppati tal-UE, rispettivament. Jekk il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) huwa użat għal investimenti bħal dawn, is-sehem jiżdied għal 15 % għal reġjuni inqas żviluppati (9). |
5.3.12 |
Il-fondi Ewropej jistgħu jgħinu parzjalment il-komunitajiet tal-minjieri fl-isforzi tagħhom lejn id-diversifikazzjoni ekonomika u t-tranżizzjoni enerġetika, iżda ħafna mill-investiment għall-iżvilupp ekonomiku għandu jiġi pprovdut minn fondi pubbliċi tal-Istati Membri kkonċernati jew billi jinġibed investiment privat ġdid. |
5.3.13 |
L-elementi msemmija hawn fuq għandhom jiġu kkunsidrati meta jitfasslu miżuri għall-għajnuna tar-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri f’dan il-proċess inevitabbli tat-tranżizzjoni enerġetika u d-diversifikazzjoni ekonomika, u l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u persuni b’mod ġenerali minn dawn ir-reġjuni jridu jkunu involuti fl-identifikar ta’ mezzi ġodda ta’ żvilupp għall-komunitajiet tagħhom. |
5.3.14 |
“Pjan ta’ appoġġ għat-tranżizzjoni għal komunitajiet u reġjuni dipendenti fuq il-produzzjoni tal-faħam” għandu jinkoraġġixxi lir-reġjuni biex jagħmlu t-tranżizzjoni, jistimulaw l-iżvilupp innovattiv, iżommu l-attrazzjoni għall-investiment u joħolqu opportunitajiet ta’ impjieg u ħajja deċenti. |
5.3.15 |
Il-“Pjan” jista' jiġi żviluppat minn grupp konsultattiv f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew. Il-membri ta’ dan il-grupp konsultattiv għandhom ikunu rappreżentanti tar-reġjuni tal-minjieri, il-junjins, l-NGOs, ir-riċerka u l-iżvilupp u tal-industrija tal-faħam. |
5.3.16 |
Il-Pjan ta’ sostenn lill-komunitajiet u lir-reġjuni dipendenti fuq il-produzzjoni tal-faħam għandu jkun ibbażati fuq tliet pilastri:
|
5.4 Żvilupp mistenni fir-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri
5.4.1 |
Il-futur tar-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri se jiżviluppa f’żewġ direzzjonijiet. F’ċerti reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri, huwa mistenni waqfien rapidu jew saħansitra preċipituż tal-produzzjoni tal-faħam, filwaqt li f’oħrajn il-produzzjoni tista’ tkompli għal bosta għexieren ta’ snin. |
5.4.2 |
Fl-ewwel każ, it-tneħħija gradwali tista’ tkun konsegwenza tas-sitwazzjoni ekonomika u tas-suq, li hija kkumplikata, b’mod speċjali tal-industrija Ewropea tal-faħam iebes li tikkompeti ma’ importazzjonijiet bi prezz baxx ħafna tal-faħam. Din tagħmel il-ħajja diffiċli ħafna, anke għal dawk il-minjieri li sa ftit ilu kienu jagħmlu qligħ. F’xi reġjuni, il-gvern jew il-kumpaniji jistgħu jiddeċiedu dwar l-għeluq tal-minjieri f’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona u d-dritt tal-Istati Membri tal-UE li jiddeċiedu dwar it-taħlita tal-enerġija tagħhom. |
5.4.3 |
Għal dawn ir-reġjuni, ikun ta’ benefiċċju li jiġi stabbilit malajr programm soċjali bbażat fuq l-aħjar prattiki minn pajjiżi differenti tal-UE li jipproduċu l-faħam u li għandhom esperjenza fit-tneħħija gradwali tal-faħam, jew li qed jitħejjew għal tali tneħħija gradwali. F’dan il-kuntest, l-esperjenza Ġermaniża tista’ tkun utli: fil-Ġermanja l-estrazzjoni tal-faħam iebes se ttemm fl-2018, kif ġie ppjanat. Hemm ħafna reġjuni oħra tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri, pereżempju, ir-Renju Unit, Franza, in-Netherlands u l-Belġju, ilkoll b’esperjenza prezzjuża. |
5.4.4 |
F’reġjuni fejn il-produzzjoni tal-faħam hija mistennija li tibqa’ fit-tul, huwa importanti li qabel kollox issir enfasi fuq l-użu effiċjenti u anqas ta’ ħsara ta’ dan il-faħam. Fil-każ tal-użu tal-faħam għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, it-tnaqqis tal-emissjonijiet se tkompli tkun prijorità. L-UE għandha l-għodod għal dan: l-iskema riveduta għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, li tesiġi l-ebda emissjonijiet tal-karbonju sal-2058, id-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u d-dokument ta’ referenza BAT ġdid għal impjanti kbar tal-kumbustjoni, li wasal biex jitlesta. |
5.4.5 |
Fl-istrateġija għal dawk ir-reġjuni tal-faħam b’ġejjieni fuq medda itwal ta’ żmien, ir-riċerka u l-iżvilupp se jaqdu rwol importanti ħafna: aktar żidiet fl-effiċjenza tal-impjanti tal-enerġija se jaslu għal aktar tnaqqis fl-emissjonijiet kif ukoll konsum inqas tal-karburant. Aktar flessibbiltà tal-impjanti tal-enerġija tista’ tgħin biex jiġu appoġġati sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli. Flimkien ma’ teknoloġiji nodfa tal-faħam jew l-użu u l-ħżin tas-CO2, użi alternattivi tal-faħam għandhom jiġu kkunsidrati. |
5.4.6 |
Madankollu, anke fir-reġjuni bi prospetti aktar fit-tul għall-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri, il-prijorità għandha tkun li jippreparaw għat-tmiem tat-tħaffir għall-faħam u r-ristrutturar tar-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri. |
Brussell, il-25 ta' Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Fl-2015, il-pajjiżi tal-G7 qablu li hija meħtieġa dekarbonizzazzjoni sħiħa tal-ekonomija globali matul dan is-seklu u għalhekk hemm bżonn “trasformazzjoni tas-setturi tal-enerġija sal-2050”.
(2) It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar ġie ffirmat f’Pariġi fl-1951 u permezz tiegħu Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-pajjiżi tal-Benelux ingħaqdu flimkien f’Komunità bl-għan li jorganizzaw il-moviment liberu tal-faħam u l-azzar u jkun hemm aċċess liberu għas-sorsi ta’ produzzjoni. Dan it-Trattat huwa l-oriġini tal-istituzzjonijiet kif nafuhom illum.
(3) http://www.env-health.org/resources/press-releases/article/eur8-5-billion-in-health-costs
(4) Greenpeace Report “End of an Era: Why every European country needs a coal phase-out plan”.
(5) EURACOAL (2013) Coal industry across Europe, p. 20.
(6) COM/2014/0330 final, 28.5.2014.
(7) Statisitiċi tal-Eurostat, 2013; ippubblikati fl-2015.
(8) ETUC Frontlines Briefing, Ottubru 2015, Climate justice: Paris and Beyond.
(9) Is-Sigurtà tal-Enerġija Ewropea, COM/2014/0330 final, 28.5.2014, Kapitolu 3, p. 7.
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/10 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-konklużjonijiet tal-COP 21 fuq il-politika Ewropea tat-trasport”
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2016/C 303/02)
Relatur: |
is-Sur Raymond HENCKS |
Nhar il-21 ta' Jannar 2016, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:
“L-impatt tal-konklużjonijiet tal-COP 21 fuq il-politika Ewropea tat-trasport”.
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Mejju 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u fis-26 ta' Mejju 2016 (seduta tas-26 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'188 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi mill-21 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, kif ukoll il-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, li jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet domestiċi tal-gassijiet b'effett ta' serra b'mill-inqas 40 % sal-2030 u bi 80 % sa 95 % sal-2050 meta mqabbla mal-livell ta' emissjonijiet tal-1990. |
1.2 |
Huwa jaqbel ukoll li dan l-objettiv għandu jintlaħaq b'mod kollettiv u b'responsabbiltà kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri, u li l-kontributi ġodda maħsuba determinati fil-livell nazzjonali jiġu kkomunikati kull ħames snin. |
1.3 |
Fir-rigward tat-trasport, l-objettiv ta' tnaqqis ta' 60 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra meta mqabbla mal-livell ta' emissjonijiet tal-1990 jibqa' ambizzjuż wisq u jeħtieġ sforzi kbar. Minkejja li d-deċiżjoni dwar it-tqassim tal-isforzi għall-perjodu attwali sal-2020 (id-Deċiżjoni 406/2009), kif ukoll id-deċiżjoni futura għall-perjodu 2020-2030, iħallu kompletament f’idejn l-Istati Membri l-għażla tas-setturi ekonomiċi li għandhom inaqqsu l-emissjonijiet domestiċi tal-gassijiet b'effett ta' serra, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jekk ikunu meħtieġa sforzi addizzjonali, jintużaw kwoti internazzjonali u jiġu evitati impenji addizzjonali għas-setturi li mhumiex tal-ETS (COM(2015) 81), u tistma li fir-rigward tat-trasport, “jista' jsir tnaqqis akbar f'setturi oħrajn tal-ekonomija” (COM(2011) 144). L-objettiv ta’ tnaqqis ta’ 60 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li jikkonċernaw it-trasport għalhekk jista’ jitqies bħala rilevanti u konformi mal-objettiv ġenerali tal-UE fil-qafas tal-COP 21, sakemm l-azzjonijiet u l-inizjattivi relatati jiġu implimentati b’urġenza, u bir-rieda meħtieġa u fiż-żmien previst. |
1.4 |
Madankollu dan ma jżommx lill-Unjoni u 'l-Istati Membri milli jevalwaw mill-ġdid l-azzjonijiet u l-inizjattivi differenti impenjati jew previsti fil-White Paper dwar it-trasport (COM(2011) 144 final) u fil-pjan direzzjonali dwar il-qafas strateġiku għal unjoni tal-enerġija stabbli (COM(2015) 80 final), fil-konfront tal-effettività u l-fattibbiltà tagħhom u, b'mod aktar partikolari, fil-konfront tal-objettiv ta' dekarbonizzazzjoni tal-forom tat-trasport, u biex dawn jgħaddu minn riforma u/jew jiżdiedu oħrajn ġodda magħhom fil-kuntest tar-rieżami tal-White Paper dwar it-trasport prevista għall-2016, mingħajr preġudizzju għall-kompetittività tal-UE. Xi wħud minnhom se jkunu ta' natura leġislattiva, iżda l-maġġoranza għandhom jibbażaw fuq kontributi volontarji nazzjonali bl-għan ta' bidla fl-aġir jew fid-drawwa, li huma indispensabbli għas-suċċess. |
1.5 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni ukoll dwar l-importanza tal-azzjoni prevista fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) sabiex tiġi stabbilita skema għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) globali għall-avjazzjoni u fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) sabiex jiġu sorveljati l-emissjonijiet tat-trasport marittimu, u jappella favur ħidma għal riżultati ambizzjużi fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin bħalissa ma’ dawn l-organizzazzjonijiet. |
1.6 |
Jenfasizza li għandu jiġi applikat il-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” bi flessibbiltà, b’mod partikolari fil-każ ta’ żoni rurali remoti, muntanzjużi u gżejjer, sabiex jiġu evitati effetti proporzjonali b'mod invers għall-ispejjeż u sabiex tinżamm l-utilità tiegħu bħala mezz li jinfluwenza l-għażliet dwar l-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet tat-trasport, filwaqt li titneħħa l-kompetizzjoni inġusta bejn il-mezzi differenti tat-trasport. Il-KESE jirrakkomanda li għandha tiġi esplorata l-organizzazzjoni komprensiva tat-trasport rurali fir-reġjuni, bil-għan li jinkiseb il-ftehim tal-COP 21 u jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ persuni vulnerabbli. |
1.7 |
Madankollu, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” mhux se tkun biżżejjed biex tiżgura t-tranżizzjoni lejn soċjetà b'użu baxx tal-karbonju. Miżuri supplimentari bħaż-żieda fl-effettività enerġetika, l-elettromobbiltà, il-kondiviżjoni tal-użu tal-karozza, il-komodalità, l-iżvilupp ta' sorsi tal-enerġija alternattivi u t-tfassil ta' standards tal-kwalità ambjentali kif ukoll, qabel kollox, il-promozzjoni tat-trasport pubbliku, qed isiru dejjem aktar importanti. |
1.8 |
Fir-rigward tal-bijoenerġiji jinħtieġu sforzi kontinwi biex jintlaħaq livell ogħla ta’ tnaqqis fil-gassijiet b’effett ta’ serra u biex jiġi evitat it-tibdil fl-użu tal-art. Għalhekk, għandu jkompli jitħeġġeġ l-użu tar-residwi, tal-prodotti sekondarji u tal-iskart għall-produzzjoni tal-karburanti. Għad hemm potenzjal għall-bijokarburanti fit-trasport tal-merkanzija bit-triq, l-avjazzjoni u t-traffiku marittimu. Madankollu, il-bijokarburanti mhumiex soluzzjoni fihom infushom u ma jeżentawx l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet immirati biex jissostitwixxu l-magna tal-kombustjoni permezz tal-mobbiltà elettrika u/jew it-teknoloġiji tal-idroġenu jew sorsi oħrajn ta’ enerġija alternattivi u sostenibbli. Fl-aħħar nett, mhijiex kwistjoni li nrażżnu l-mobbiltà bħala tali iżda li nnaqqsu l-ivvjaġġar motorizzat individwali kull fejn jinsabu alternattivi validi u li niffavorixxu t-trasport kollettiv fl-interess ġenerali ambjentali, sabiex ma nħallux il-bliet jinħonqu bit-traffiku. |
1.9 |
Id-diżinvestiment fl-attivitajiet li jniġġsu m'għandux ikun it-tħassib tal-gvernijiet biss u ma jistax isir mingħajr is-sensibilizzazzjoni u l-mobilizzazzjoni tal-katina kollha tat-trasport (kostrutturi, trasportaturi, utenti) permezz ta' miżuri leġislattivi jew ta' inċentivi, jew saħansitra dissważivi. Il-bini tal-kapaċità, l-assistenza teknika u l-iffaċilitar tal-aċċess għal finanzjament fil-livell lokali u nazzjonali huma kruċjali għat-tranżizzjoni lejn sistema tat-trasport b’livell baxx ta’ karbonju. Il-programmi ta’ investiment tal-Unjoni Ewropea għandhom imbagħad jagħtu prijorità lill-proġetti klimatiċi l-aktar effettivi skont kriterji ta’ valutazzjoni koerenti mal-konklużjonijiet tal-COP21, filwaqt li jintegraw il-modi kollha tat-trasport. |
1.10 |
Il-mobilizzazzjoni qawwija li wrew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi ekonomiċi u soċjali, fil-qafas tal-COP 21, għandha tiġi segwita biex jissaħħaħ il-moviment ċiviku għall-ġustizzja klimatika u d-diżinvestiment fl-attivitajiet li jniġġsu. |
1.11 |
Konsegwentement, il-KESE jirrakkomanda r-rikors għad-djalogu parteċipattiv mas-soċjetà ċivili, kif definit fl-Opinjoni esploratorja tiegħu tal-11 ta' Lulju 2012 dwar “White Paper tat-Trasport: lejn adeżjoni u impenn tas-soċjetà ċivili” (CESE 1598/2012). |
2. Deċiżjonijiet ewlenin tal-COP 21 — Il-Ftehim ta' Pariġi
2.1 |
Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil tal-Klima (li tirreferi għaliha l-COP 21 tal-2015) kienet limitata biex tistabbilizza l-konċentrazzjonijiet ta’ gassijiet serra (il-gass b'effett ta' serra prinċipali fis-settur tat-trasport huwa d-diossidu tal-karbonju (CO2), li joħroġ matul il-fażi tal-produzzjoni fil-każ tal-elettriku u matul il-fażi operattiva fil-każ tal-karburanti) fl-atmosfera f’livell li ma jippermettix interferenza antropoġenika perikoluża għaas-sistema tal-klima. Il-Ftehim ta' Pariġi tat-12 ta' Diċembru 2015, għall-ewwel darba, jimpenja lill-195 parti li huma lkoll firmatarji tal-konvenzjoni qafas imsemmija aktar 'il fuq, biex jaċċeleraw it-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, fid-dawl tal-objettiv finali fuq terminu twil biex it-temperatura medja tal-pjaneta tinżamm sew taħt iż-2 oC (sal-2100) meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, filwaqt li titkompla l-azzjoni meħuda biex titrażżan għal 1,5 oC, għall-kuntrarju tat-trajettorja attwali ta' 3o C tat-tisħin globali sa tmiem is-seklu wieħed u għoxrin. |
2.2 |
Wara r-ratifika tal-imsemmi ftehim, il-partijiet firmatarji jkunu responsabbli li jimpenjaw u jikkomunikaw il-kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali skont programmi li kull darba jirrigwardaw 5 snin, bl-għan li jintlaħaq l-objettiv aħħari. |
2.3 |
Id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Pariġi huwa previst li jibda mill-2020, bil-kundizzjoni li jkun ġie rratifikat mill-inqas minn 55 Stat li jirrappreżentaw mill-inqas 55 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra globali, bla ħsara għall-possibbiltà, irrakkomandata bil-qawwa, li jiġi applikat qabel ma jkun daħal fis-seħħ. |
2.4 |
Fis-6 ta' Marzu 2015, l-UE u l-Istati Membri tagħha qablu, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014, dwar objettiv vinkolanti ta' tnaqqis tal-emissjonijiet domestiċi tal-gassijiet b'effett ta' serra b'mill-inqas 40 % sal-2030 u bi 80 % sa 95 % sal-2050. |
2.5 |
Skont il-konklużjonijiet imsemmija aktar 'il fuq, l-objettiv għandu jintlaħaq b'mod kollettiv mill-UE u l-Istati Membri, b'mod partikolari bi tnaqqis ta' 43 % li jitwettaq sal-2030 fis-setturi li jaqgħu taħt l-iskema għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) u ta' 30 % fis-setturi li ma jaqgħux taħtha (kollha meta mqabbel mal-2005), u minn parteċipazzjoni li tlaqqa' l-ugwaljanza u s-solidarjetà. |
3. Is-sitwazzjoni attwali tas-settur tat-trasport tal-UE
3.1 |
Fil-White Paper tagħha dwar it-trasport tal-2011 (COM(2011) 144 final), il-Kummissjoni Ewropea kienet diġà nediet appell urġenti dwar il-ħtieġa li jitnaqqsu drastikament l-emissjonijiet domestiċi tal-gassijiet b'effett ta' serra, bil-għan li t-tibdil fil-klima jitrażżan għal taħt iż-2 oC, filwaqt li indikat li huwa meħtieġ tnaqqis ta' mill-inqas 60 % tal-emissjonijiet domestiċi tal-gassijiet b'effett ta' serra fit-trasport meta mqabbel mal-livelli ta' emissjonijiet tal-1990 u nnotat barra minn hekk “li jista' jsir tnaqqis akbar f'setturi oħrajn tal-ekonomija”. |
3.2 |
It-trasport huwa responsabbli għal madwar kwart tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE: 12,7 % tal-emissjonijiet globali tat-“trasport” huma ġġenerati mill-avjazzjoni, 13,5 % mit-trasport marittimu, 0,7 % mill-ferroviji, 1,8 % min-navigazzjoni fuq l-ilma u 71,3 % mit-trasport bit-triq (2008). L-impatt ambjentali ta' mezz tat-trasport madankollu ma jiddependix biss mill-emissjonijiet diretti iżda jiddependi wkoll mill-emissjonijiet indiretti, li fuq kollox huma dovuti għall-produzzjoni tal-enerġija meħtieġa għaċ-ċaqliq. |
3.3 |
Globalment, is-setur tat-trasport għandu l-ogħla żieda fl-emissjonijiet tas-CO2 meta mqabbel mas-setturi industrijali l-oħra. Fl-UE, is-settur tat-trasport jipproduċi t-tieni l-akbar volum ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Barra minn hekk, l-emissjonijiet mis-setturi tal-avjazzjoni u tat-trasport marittimu qed jesperjenzaw l-ogħla tkabbir, għalkemm dawn is-setturi ma kinux koperti mill-Ftehim ta’ Pariġi. |
3.4 |
Il-White Paper dwar it-trasport tal-2011 tinnota li s-sistema tat-trasport tal-UE għadha mhijiex sostenibbli u, biex tirrimedja għaliha, tipprevedi li:
|
3.5 |
Fil-White Paper dwar it-trasport kif ukoll fil-pjan direzzjonali dwar qafas strateġiku għal unjoni tal-enerġija stabbli, il-Kummissjoni tipproponi diversi miżuri sabiex tiżviluppa settur tat-trasport dekarbonizzat. |
3.6 |
Il-miżuri ssuġġeriti jinkludu standards tal-emissjonijiet tas-CO2 aktar stretti għall-karozzi u l-vannijiet wara l-2020, miżuri għat-titjib tal-effettività tal-karburanti u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-vetturi tqal, u ġestjoni mtejba tat-traffiku. Hemm lok li jitħeġġu sistemi ta' pedaġġ tat-toroq ibbażati fuq il-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas/min juża jħallas”, flimkien mal-introduzzjoni ta' karburanti alternattivi, inkluża l-elettromobbiltà, filwaqt li titqies b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġu stabbiliti infrastrutturi adatti. |
4. Segwitu li għandu jingħata għall-Ftehim ta' Pariġi
4.1 |
Wara r-ratifika tal-imsemmi ftehim (sal-21 ta' April 2017), il-partijiet firmatarji jkunu responsabbli li jieħdu azzjoni u jikkomunikaw kontributi determinati fil-livell nazzjonali skont programmi għal perjodi ta' 5 snin, bl-għan li jintlaħaq l-objettiv aħħari. |
4.2 |
L-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 4(16) tal-Ftehim ta' Pariġi, tista' taġixxi flimkien mal-Istati Membri tagħha, fil-qafas ta' responsabbiltà kondiviża, u għandha tinnotifika lis-segretarjat tal-Ftehim ta’ Pariġi bil-livell ta' emissjonijiet attribwit għal kull Stat Membru. |
4.3 |
Skont l-Artikolu 4(16) tal-Ftehim ta' Pariġi u d-Deċiżjoni 1/CP.21, il-kontributi stabbiliti skont kalendarju sal-2030 għandhom jiġu kkomunikati jew imwettqa sal-2020, eżerċizzju li għandu jerġa' jsir kull ħames snin fil-qafas ta' strateġija ta' żvilupp b'livelli baxxi ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2050. Il-kontributi suċċessivi għandhom jirrappreżentaw progressjoni meta mqabbla mal-kontribut preċedenti (l-Artikolu 4 (3)). |
4.4 |
Għalkemm l-Unjoni Ewropea diġà stabbilixxiet objettivi u kontributi sal-2030 u l-2050, jibqa' l-fatt li l-livelli tal-emissjonijiet globali (is-setturi ekonomiċi kollha flimkien) stmati mill-COP 21 fuq il-bażi tal-kontributi nazzjonali fl-2030 (55 ġigatunnellata) mhumiex biżżejjed fil-konfront tal-objettiv li ż-żieda fit-temperatura tinżamm taħt iż-2 oC, b'mod li sforzi supplimentari huma indispensabbli biex l-emissjonijiet jitnaqqsu għal 40 ġigatunnellata. |
4.5 |
Minkejja li d-deċiżjoni dwar it-tqassim tal-isforzi għall-perjodu attwali sal-2020 (id-Deċiżjoni 406/2009), u d-deċiżjoni futura għall-perjodu 2020-2030 iħallu kompletament f’idejn l-Istati Membri biex jagħżlu liema setturi ekonomiċi għandhom inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-Protokoll ta' Pariġi – Pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020” (COM(2015) 81 final) il-Kummissjoni tissuġġerixxi li, jekk ikunu meħtieġa sforzi supplimentari, jintużaw kwoti internazzjonali u jiġu evitati impenji supplimentari għas-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS. Il-KESE appoġġa din il-pożizzjoni tal-UE (Opinjoni NAT 665/2015). Barra minn hekk, fil-White Paper dwar it-trasport il-Kummissjon qieset li “jista' jsir tnaqqis akbar f'setturi oħrajn tal-ekonomija”. |
4.6 |
Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, u tal-fatt li t-tnaqqis ta' 60 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fit-trasport kien diġà deċiż bil-għan li t-tibdil fil-klima jinżamm taħt iż-2 oC, sew qabel il-Konferenza ta’ Pariġi, il-KESE jqis li dan l-objettiv ta’ tnaqqis ta’ 60 % jibqa’ rilevanti u konformi mad-deċiżjonijiet tal-COP 21. |
4.7 |
Għandu irid jiġi nnotat li l-impenn tal-UE li taġixxi fi ħdan l-ICAO sabiex tappoġġja l-iżvilupp ta' ETS globali għall-avjazzjoni, u fi ħdan l-OMI dwar l-obbligu biex it-trasport marittimu li jieħu kunsiderazzjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, ma jagħmilx parti mill-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali. L-UE għandha tippromovi riżultati ambizzjużi fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin bħalissa mal-ICAO u mal-OMI. |
5. L-istrateġija: dak li jrid isir b'mod konkret
5.1 |
Il-KESE għalhekk jinnota koerenza kbira bejn il-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali tal-UE u l-objettivi definiti fid-diversi komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar miżuri ta' politika klimatika fir-rigward tat-trasport. Madankollu għadu urġenti u indispensabbli li l-40 azzjoni u l-131 inizjattiva tal-White Paper dwar it-trasport jiġu implimentati bir-rieda meħtieġa u malajr kemm jista' jkun. |
5.2 |
Madankollu, għandhom jiġu evalwati mill-ġdid il-miżuri tal-White Paper dwar it-trasport li jindirizzaw it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fid-dawl tal-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali tal-UE u l-objettivi definiti fil-pakkett tal-unjoni tal-enerġija waqt ir-riezami tal-imsemmija White Paper fl-2016, imħabbra mill-Kummissjoni (1). |
5.3 |
Dan jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-inizjattivi differenti impenjati skont il-White Paper dwar it-trasport u l-pakkett dwar l-unjoni tal-enerġija, fil-konfront tal-effettività u l-vijabbiltà tagħhom u, b'mod aktar partikolari, fil-konfront tal-objettiv tad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, kif ukoll biex dawn jiġu riformati u/jew jiżdiedu oħrajn ġodda magħhom. Xi wħud minnhom se jkunu ta' natura leġislattiva iżda l-maġġoranza għandhom jibbażaw fuq kontributi volontarji nazzjonali bl-għan ta' bidla fl-aġir jew fid-drawwa, li huma indispensabbli għas-suċċess. |
5.4 |
It-tranżizzjoni lejn trasport b'użu baxx tal-karbonju tippreżenta l-isfidi li ġejjin:
Attivitajiet adatti relatati mat-trasport biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fuq livell nazzjonali u sottonazzjonali jistgħu jpoġġu l-bliet fit-triq it-tajba lejn tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ 50 % sal-2050 meta mqabbel mas-sitwazzjoni ta' bħalissa ta' status quo. Is-soluzzjonijiet iżolati li diġà jeżistu għandhom jiġu integrati f’politiki ta’ ppjanar strateġiku ta’ mobbiltà li jippermettu li jkun hemm koordinazzjoni aħjar bejn il-politiki urbani u dawk tat-trasport. Il-bini tal-kapaċità, l-assistenza teknika u l-iffaċilitar tal-aċċess għal finanzjament fil-livell lokali u nazzjonali huma kruċjali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. |
5.5 |
Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, kif ukoll kwalunkwe programm ieħor tal-UE li jappoġġjaw l-investimenti tat-trasport fl-iffinanzjar tal-proġetti tagħhom, għandhom jagħtu prijorità lill-proġetti klimatiċi l-aktar effettivi, filwaqt li fl-istess ħin jiġu integrati l-modi differenti biex jinkiseb netwerk tat-trasport Ewropew. Il-kriterji biex jiġu vvalutati t-talbiet ta’ finanzjament għandhom jinkludu referenzi espliċiti għall-prinċipji li jikkorrispondu mal-konklużjonijiet tal-COP21. |
5.6 |
It-tqassim tal-isforzi bejn l-Istati Membri u bejn is-setturi tal-ETS u dawk mhux tal-ETS, inkluż it-trasport, ser ikun element ewlieni għall-implimentazzjoni tal-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali tal-UE u għandu jkun ukoll f'konformità mal-objettivi strateġiċi tagħhom. Dan it-tqassim għandu jikkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014, sabiex jasal għal riżultat ibbilanċjat, fid-dawl tal-effettività fil-konfront tal-ispejjeż u l-kompetittività. Dawn il-parametri għandhom jiġu stabbiliti fid-deċiżjoni dwar it-tqassim tal-isforzi għall-perjodu 2020–2030 li se tittieħed fl-2016 (COM(2015)80, l-Anness 1), b’kunsiderazzjoni taż-żamma tal-kompetittività tal-UE. |
5.7 |
Ir-reviżjoni msemmija hawn fuq tal-White Paper għandha, barra dan, tipprovdi mezzi speċifiċi biex tħeġġeġ dibattitu wiesa’ mas-soċjetà ċivili, bil-fehim li l-aċċettazzjoni soċjali ta’ miżuri, li xi drabi ftit ikunu popolari, hija indispensabbli, filwaqt li l-azzjonijiet kollha ser jibqgħu ineffettivi jekk dawk kollha li għalihom huma indirizzati ma jassoċjawx mal-proċess. Il-mobilizzazzjoni qawwija li wrew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi ekonomiċi u soċjali, fil-qafas tal-COP 21, għandha għaldaqstant tiġi segwita biex jissaħħaħ il-moviment ċiviku għall-ġustizzja klimatika u d-diżinvestiment fl-attivitajiet li jniġġsu. |
5.8 |
Għandhom jiġi promossi u estiżi inizjattivi bħalma huma l-inizjattiva globali dwar l-ekonomija tal-karburant (GFEI), li tlaqqa' flimkien pajjiżi li jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw politiki u regolamenti dwar l-effiċjenza enerġetika tal-vetturi, jew id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-elettromobbiltà u t-tibdil fil-klima u l-appell għal azzjoni relatata, li tibni fuq l-impenji ta’ mijiet ta’ sforzi deċiżivi favur l-elettrifikazzjoni sostenibbli tat-trasport, l-inizjattiva MobiliseYourCity li għandha l-għan li tappoġġja lill-bliet u lill-pajjiżi emerġenti jew li qed jiżviluppaw biex joħolqu u jimplimentaw pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli u politiki nazzjonali dwar it-trasport urban, jew saħansitra l-Pjan ta’ Azzjoni Dinji għat-Trasport Ekoloġiku tal-Merkanzija. |
5.9 |
Bħalma indika diġà l-KESE (2), il-governanza parteċipattiva teħtieġ struttura organizzazzjonali u proċedurali tajba biex tkun effettiva u tilħaq l-objettivi segwiti. L-impenn tal-partijiet interessati favur żvilupp sostenibbli fit-tul ikun aktar effettiv jekk jiġi organizzat bħala proċess kontinwu u adatt għal approċċ koordinat aktar milli fil-forma ta' impenn iżolat jew ad hoc. |
5.10 |
Il-KESE ddeċieda dwar il-ħolqien ta' forum tas-soċjetà ċivili Ewropea favur l-iżvilupp sostenibbli, li għandu jipprovdi qafas strutturat u indipendenti għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili għall-implimentazzjoni, is-segwitu u r-rieżami tal-kwistjonijiet orizzontali li jaqgħu taħt il-programm ta' żvilupp sostenibbli sal-2030 u b'mod partikolari tal-objettiv 13 tiegħu (It-teħid b'urġenza ta' miżuri għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu.). Għall-kwistjonijiet dwar is-settur tat-trasport, għandu jintuża d-djalogu parteċipattiv immexxi mill-KESE u previst għall-implimentazzjoni tal-White Paper tal-2011 dwar it-trasport. |
5.11 |
Barra minn hekk, il-KESE qed jaħdem fuq Opinjoni (NAT/684) dwar “Koalizzjoni biex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Ftehim ta' Pariġi”. Il-Ftehim ta’ Pariġi m’għandux joħloq pjattaforma ta’ impenji oħra, iżda pjuttost iniedi qafas ġenerali li jallinja l-miżuri mhux statali ma’ dawk governattivi fuq perjodu fit-tul. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-impenji huwa assolutament kruċjali. |
5.12 |
Id-diżinvestiment fl-attivitajiet li jniġġsu m'għandux ikun it-tħassib tal-gvernijiet biss u ma jistax isir mingħajr is-sensibilizzazzjoni u l-mobilizzazzjoni tal-katina kollha tat-trasport (kostrutturi, trasportaturi, utenti) permezz ta' miżuri leġislattivi jew ta' inċentivi, jew saħansitra dissważivi. |
5.13 |
L-istrateġija ta' impenji volontarji meqjusa mill-COP 21 tillimita ruħha għal kull pajjiż biex tindika l-impenji mhux vinkolanti, filwaqt li l-introduzzjoni ta' standard vinkolanti tal-emissjonijiet ċertament tkun is-soluzzjoni l-aktar effettiva biex jinkiseb ir-riżultat mistenni mill-Ftehim ta' Pariġi. Madankollu, it-tqassim tal-isforzi 2020-2030 fi ħdan l-UE, li huwa indirizzat aktar 'il fuq fil-punt 5.5, isaħħaħ l-impenji meħuda. |
6. Sistema ta' min iniġġes iħallas
6.1 |
Skont it-Trattat ta' Lisbona (ara l-Artikolu 191 (2) tat-TFUE), il-politika ambjentali tal-UE hija bbażata fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni u tal-azzjoni preventiva, fuq il-prinċipju li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità, tissewwa fis-sors, u fuq il-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas”. |
6.2 |
Dan ifisser li l-prezz tal-ħsarat ambjentali għandhu jitħallas minn min huwa responsabbli għat-tniġġis. Madankollu fl-Istati Membri, il-prezz tal-karbonju jidħol b'mod differenti ħafna fil-politiki tal-klima, bi predominanza ta' taxxi li, madankollu, jolqtu l-ewwel nett il-kapaċità tal-akkwist tal-familji l-aktar modesti u l-impjiegi. |
6.3 |
Skont il-White Paper dwar it-trasport, it-tariffi u t-taxxi għandhom jiġu ristrutturati sabiex jitqiesu aħjar l-prinċipji ta' “min iniġġes iħallas” u ta' “min juża jħallas”. |
6.4 |
L-approċċ kif imfassal mill-Kummissjoni jibbaża fuq sistema ta' min iniġġes iħallas u fuq il-possibbiltajiet li joffri l-pedaġġ tat-toroq bħala mezz ta' finanzjament tal-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastrutturi. Din is-sistema hija maħsuba biex tippromovi mezzi tat-trasport sostenibbli, permezz tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, u biex tiżgura l-finanzjament. |
6.5 |
Madankollu, fl-Unjoni teżisti taħlita ta' sistemi differenti u mingħajr koerenza, ikkostitwita minn pedaġġi elettroniċi, viżi, taxxi marbuta mal-konġestjoni, imposti għal kull kilometru kkalkulati bis-satellita (GNSS). Barra minn hekk, ir-regoli Komunitarji tat-tassazzjoni tat-trasport bit-triq għall-vetturi tqal (Eurovignette) japplikaw biss f’erba’ Stati Membri, filwaqt li Stati Membri oħra lanqas għandhom pjanijiet għall-pedaġġ tat-toroq. Din is-sitwazzjoni toħloq kwistjonijiet serji għall-iżvilupp tas-suq uniku u għaċ-ċittadini, b'impatti negattivi fuq it-tkabbir ekonomiku u biż-żieda tal-inugwaljanzi soċjali f'diversi Stati Membri. Barra minn hekk, il-fatt li ma jinġabrux taxxi għall-użu tan-netwerk tat-toroq jista’ jkollu impatt (biex ma nsemmux l-ispejjeż tal-effetti negattivi fuq l-ambjent) fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-konfront tat-trasport ferrovjarju fejn is-servizz ferrovjarju jkun disponibbli. |
6.6 |
Madankollu, f’sistema Ewropea ta’ tassazzjoni tat-toroq, għandha tiġi prevista ċerta flessibbiltà sabiex tkun tista’ titqies is-sitwazzjoni tar-reġjuni periferiċi u taż-żoni rurali remoti, muntanzjużi u l-gżejjer li għandhom densità ta’ popolazzjoni baxxa u nuqqas ta’ alternattivi validi għat-trasport bit-triq, b’tali mod li esternalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni ma tħallix impatt fuq l-imġiba jew fuq l-organizzazzjoni tat-trasport u l-uniku effett tagħha jkun ta’ ħsara għall-kompetittività tagħhom. Il-benesseri ekonomiku u soċjali tar-reġjuni rurali jiddependi minn sistema sistema ta’ trasport li tkun kost-effettiva kif ukoll li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent. Bħala mezz biex irażżnu l-emissjonijiet tat-trasport xi gvernijiet introduċew forom differenti ta’ taxxa fuq il-karbonju, li ma rnexxilhomx inaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport u żiedu b’mod sinifikanti l-ispejjeż għall-familji, speċjalment dawk f’żoni rurali, remoti u muntanjużi. |
6.7 |
Skont il-Kummissarju għat-Trasport, il-Kummissjoni tipprevedi li tipproponi, lejn tmiem is-sena 2016, sistema Ewropea għat-trakkijiet u l-vetturi tal-passiġġieri b'regolamentazzjoni uniformi għall-ġbir tal-pedaġġi fl-Istati Membri kollha tal-UE, ibbażata esklużivament fuq in-numru ta' kilometri misjuqa. |
6.8 |
Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tarmonizza fil-livell Ewropew sistema ta’ tassazzjoni tat-trasport bit-triq abbażi tal-prinċipju “ta’ min iniġġes iħallas”, iżda jqis li s-sehem “tal-internalizzazzjoni” mill-pedaġġ ċertament ma jkunx biżżejjed biex iwassal għal politika tat-trasport sostenibbli li tirrispetta l-impenji meħuda fil-qafas tal-COP 21, li jitlob miżuri supplimentari bħaż-żieda fl-effiċjenza enerġetika, l-elettromobbiltà, il-kondiviżjoni tal-użu tal-karozzi u l-komodalità, l-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija alternattivi, it-tfassil ta’ standards ta kwalità ambjentali u, fuq kollox, il-promozzjoni tat-trasport pubbliku. |
6.9 |
Waħda mill-miżuri oħrajn tista' tkun prezz tal-karbonju bbażat fuq kriterji ekonomiċi u soċjali. Prezz baxx ħafna taż-żejt mhux maħdum, bħalma huwa llum, ċertament ma jibgħatx sinjal lill-atturi kollha tat-trasport biex jimmodifikaw l-aġir tagħhom u jieħdu miżuri sabiex inaqqsu l-konsum tagħhom tal-enerġija. Madankollu, regoli u standards aktar stretti dwar il-karburant, l-effettività enerġetika, il-ġestjoni kompjuterizzata tat-traffiku u l-iżvilupp ta' karburanti alternattivi jistgħu jwittu t-triq għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, mingħajr ma tiġi affettwata b'mod negattiv il-kompetittività. |
7. Innovazzjoni, riċerka u żvilupp, karburanti alternattivi
7.1 |
Il-KESE jinsisti dwar il-ħtieġa assoluta għal politika industrijali attiva u ta' riċerka u żvilupp (R&Ż) ikkoordinati biex jiffavorixxu t-trażizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. L-iskonnessjoni taż-żieda inevitabbli tat-trasport mit-tnaqqis tal-emissjonijiet li jniġġsu teħtieġ sforzi sostnuti ta' riċerka u żvilupp |
7.2 |
Il-pjan direzzjonali dwar it-trasport jagħti wieħed x'jifhem li se jkun meħtieġ l-iżvilupp tal-bijokarburanti, b'mod partikolari dak fil-qasam tal-avjazzjoni u tal-vetturi tqal tal-merkanzija, filwaqt li jinnota li l-problemi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel u l-ambjent huma marbuta mal-iżvilupp tal-bijokarburanti, u dan jenfasizza li huwa importanti li jiġu żviluppati bijokarburanti aktar sostenibbli tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni. |
7.3 |
Fir-rigward tal-bijoenerġiji jinħtieġu sforzi kontinwi biex jintlaħaq livell ogħla ta’ tnaqqis fil-gassijiet b’effett ta’ serra u biex jiġi evitat it-tibdil fl-użu tal-art. Għalhekk, għandu jkompli jitħeġġeġ l-użu tar-residwi, tal-prodotti sekondarji u tal-iskart għall-produzzjoni tal-karburanti. Għad hemm potenzjal għall-bijokarburanti fit-trasport tal-merkanzija bit-triq, l-avjazzjoni u t-traffiku marittimu. Madankollu, il-bijokarburanti mhumiex soluzzjoni fihom infushom u ma jeżentawx l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet immirati biex jissostitwixxu l-magna tal-kombustjoni permezz tal-mobbiltà elettrika u/jew it-teknoloġiji tal-idroġenu jew sorsi oħrajn ta’ enerġija alternattivi u sostenibbli. |
7.4 |
It-tranżizzjoni lejn il-mobbiltà elettrika jeħtieġ tkun akkumpanjata mit-tranżizzjoni lejn il-kondiviżjoni tal-użu tal-karozza. Madankollu, wieħed għandu jibqa’ konxju li, anke bi tranżizzjoni sħiħa lejn magni li jaħdmu b'karburant sostenibbli, ir-riskju li l-bliet jinħonqu bit-traffiku jibqa’ hemm sakemm it-trasport kollettiv u sistemi effettivi ta’ distribuzzjoni ma jsirux ir-regola ġenerali. |
Brussell, is-26 ta’ Mejju 2016.
Il-President tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) ĠU C 291, 4.9.2015, p. 14.
(2) ĠU C 299, 4.10.2012, p. 170.
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/17 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Xogħol diċenti fil-ktajjen tal-provvista globali”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2016/C 303/03)
Relatur: |
is-Sinjura Emmanuelle BUTAUD-STUBBS |
Nhar il-21 ta' Jannar 2016, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:
“Xogħol diċenti fil-ktajjen tal-provvista globali”.
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta' April 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’188 vot favur u vot 1 kontra.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-kwistjoni ta' xogħol diċenti fil-ktajjen tal-provvista globali (GSCs), bħal tessuti u ħwejjeġ u żraben, elettronika, minerali u agroindustriji hija tabilħaqq kwistjoni kritika għall-atturi pubbliċi u privati kollha involuti fil-livelli nazzjonali u internazzjonali fl-immaniġġjar ta' ktajjen ta' provvista. |
1.2 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adatta l-proċeduri interni tiegħu sabiex ikun qiegħed f'pożizzjoni li jagħti l-opinjoni tiegħu qabel il-105 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol f'Ġinevra dwar il-kwistjoni ta' xogħol diċenti fil-GSCs. Il-KESE jirrakkomanda li: |
1.3 |
Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tadotta strateġija komprensiva u ambizzjuża sabiex tippromovi bil-politiki interni (aċċess għal akkwist pubbliku tal-UE, tikkettar eċċ) u esterni (kummerċ, żvilupp, politika tal-viċinat eċċ) kollha tagħha x-xogħol diċenti fil-GSCs. |
1.4 |
Jiġi adottat kemm lingwaġġ komuni kif ukoll definizzjonijiet komuni, u li tiġi vvalutata d-data statistika bejn il-partijiet interessati varji: l-OECD, l-ILO, id-WTO (1), il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Dinji u l-Mekkaniżmi Finanzjarji Innovattivi sabiex jiġu evitati konfużjoni u interpretazzjoni ħażina, u sabiex tiġi elaborata politika koerenti bejn l-entitajiet pubbliċi involuti f'dan il-qasam, b'kompetenzi varji. |
1.5 |
B’kunsiderazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittiijet tal-Bniedem, għandna bżonn nirrikonoxxu u nippromovu l-aqwa prattiki u inizjattivi disponibbli fil-“kaxxa tal-għodod”: il-Linji Gwida għal Intrapriżi Multinazzjonali tal-OECD, gwida għad-diliġenza dovuta settorjali tal-OECD (tessuti u ħwejjeġ, minerali, agrikoltura u finanzi), għajnuna għall-kummerċ, skemi finanzjarji li jikkumpensaw għall-ħsarat, kodiċijiet ta' kondotta, tikketti, standards u għodod ta' valutazzjoni awtonoma. L-għan huwa li tiġi stabbilita politika gradwali, konsistenti u sostenibbli fl-immaniġġjar responsabbli tal-GSCs. |
1.6 |
Jiġu promossi approċċi prattiċi u adatti, bbażati fuq ir-riskju li jikkunsidraw in-natura speċifika tal-katina ta' valur globali u l-GSC (organizzazzjoni lineari jew modulari, sempliċi jew kumplessa, qasira jew twila). |
1.7 |
Abbażi ta' valutazzjoni tal-prattiki eżistenti, jiġi promoss il-format ta' diversi partijiet interessati, li jinvolvi atturi pubbliċi u privati, imsieħba soċjali, NGOs, esperti eċċ, sabiex jiġi żviluppat l-aqwa portafoll ta' azzjonijiet ispirati mil-linji gwida tal-OECD sabiex jiġu identifikati riskji, għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tagħhom, sabiex issir komunikazzjoni u rapportar dwar il-pjan ta' azzjoni. Il-miżuri involuti fil-pjanijiet ta' azzjoni jistgħu jinkludu kemm miżuri leġislattivi kif ukoll mhux leġislattivi, l-aqwa prattiki, inċentivi finanzjarji, aċċess għat-taħriġ, u bini ta' kapaċità għal djalogu soċjali u t-trejdjunjins. |
1.8 |
Isir sforz sabiex issir analiżi speċifika dwar it-tip ta' għodod ta' trasparenza li jistgħu jiġu stabbiliti sabiex il-konsumaturi finali jiġu informati dwar il-kundizzjonijiet soċjali tal-produzzjoni. |
1.9 |
Il-konferenza tal-ILO li jmiss għandha tikkunsidra l-possibbiltajiet għall-ILO sabiex ikollha rwol attiv sabiex jiġi żgurat xogħol deċenti fil-katini ta’ provvista globali, inkluża l-esplorazzjoni tal-iżvilupp u l-adozzjoni futura ta’ kwalunkwe strument rilevanti u adatt, li bl-impenn tal-partijiet interessati kollha jkun jikkontribwixxi għal titjib effettiv tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. |
2. Il-kwistjoni ta' xogħol diċenti fi ktajjen ta' provvista globali: definizzjonijiet, kuntest u interessi
2.1 Definizzjonijiet
2.1.1 |
Katina ta' valur globali (GVC): dan il-kunċett ħareġ f'nofs id-disgħinijiet sabiex jiddeskrivi l-firxa sħiħa ta' attivitajiet li huma meħtieġa sabiex prodott jgħaddi mill-konċepiment tiegħu, sad-disinn tiegħu, il-materja prima tiegħu u l-inputs intermedji tiegħu, il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, id-distribuzzjoni tiegħu u l-appoġġ tiegħu għall-konsumatur finali" (2). Il-GVCs għandhom jiffavorixxu “l-aġġornament tal-proċess” (il-prdouttur jadotta teknoloġija aħjar sabiex itejjeb l-effiċjenza) u “l-aġġornament funzjonali” (l-abbiltà ta' produttur li jiżviluppa abbiltajiet ta' disinn, immarkar u kummerċjalizzazzjoni). Madankollu, numru ta' eżempji juru li dan mhuwiex dejjem il-każ. Il-kwistjoni li jinkiseb immaniġġjar sostenibbli u responsabbli tal-GVCs qiegħda fuq nett tal-aġenda internazzjonali (l-OECD, l-ILO, il-G7, il-G20, l-UE, in-NU) minħabba li l-ammont dejjem jiżdied ta' kummerċ u investiment madwar id-dinja jseħħ permezz tal-GVC u li l-esternalizzazzjoni u koordinazzjoni transkonfinali ta' produzzjoni globali minn ditti ewlenin għandhom impatti soċjali sinifikanti. Uħud minn dawn huma pożittivi, eż. impjiegi bi ħlas aħjar, impjieg akbar għan-nisa, ħolqien tax-xogħol li jippermetti aċċess għall-impjieg, żvilupp ta' ħiliet u tixrid ta' għarfien u teknoloġija. Oħrajn huma sors ta' tħassib, bħal xogħol prekarju, kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena (inkluż fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol), nuqqas ta' drittijiet soċjali (inkluż nuqqas ta' kopertura tas-sigurtà soċjali), u ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali tax-xogħol. Dan iwassal għal żvilupp u implimentazzjoni ta' strumenti diversi fil-livell nazzjonali u internazzjonali, bħal konvenzjonijiet tal-ILO, Linji Gwida tal-OECD jew il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (ara wkoll Paragrafu 2.3.3), u oqfsa ta' politika, bħall-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030 (3) u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li takkumpanjaha (4) li jappoġġjaw ir-rispett ta' standards tax-xogħol u l-promozzjoni ta' xogħol diċenti, kif ukoll aktar żvilupp tal-kummerċ, investiment, settur privat u ktajjen ta' provvista. |
2.1.2 |
Katina tal-provvista globali (GSC): il-GSC hija magħmula minn organizzazzjonijiet, riżorsi u proċessi interrelatati li joħolqu u jwasslu prodotti u servizzi lill-klijenti finali. Għalhekk hija parti mill-GVC iddedikata għall-provenjenza u mhux għall-konċepiment, jew distribuzzjoni tal-prodotti jew servizzi. |
Fis-sessjoni ta' Ġunju 2016 tal-ILC (korp ta' teħid tad-deċiżjonijiet suprem tal-ILO) sejra ssir diskussjoni ġenerali dwar xogħol diċenti fil-GSCs. Hija maħsuba sabiex tgħin lill-kostitwenti tal-ILO (jiġifieri gvernijiet, impjegaturi u ħaddiema) jiksbu għarfien aħjar dwar kif involviment fil-GSCs jista' jgħin ekonomiji nazzjonali u lokali sabiex jikbru b'mod sostenibbli u inklużiv, filwaqt li jikkontribwixxu għall-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi, kif ukoll għall-promozzjoni ta' impjiegi ta' kwalità u r-rispett ta' standards tax-xogħol. Din l-Opinjoni hija maħsuba bħala l-kontribut tal-KESE għal dak id-dibattitu.
2.1.3 |
Xogħol diċenti: kunċett ifformulat mill-kostitwenti tal-ILO u adottat mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fid-dikjarazzjoni dwar Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta (5) – ikopri programmi nazzjonali u lokali stabbiliti sabiex jintlaħqu erba' għanijiet strateġiċi:
Bħala l-entità li tistabbilixxi l-istandards madwar id-dinja, l-ILO adottat numru ta' konvenzjonijiet li huma ta' rilevanza għall-ktajjen tal-provvista globali. Dawn jinkludu standards tax-xogħol fundamentali (ewlenin) (jiġifieri l-promozzjoni tal-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għal negozjar kollettiv, il-promozzjoni ta' nondiskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, u l-projbizzjoni ta' xogħol sfurzat jew impjieg tat-tfal), kif ukoll konvenzjonijiet fil-qasam tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, spezzjoni tax-xogħol u oħrajn. Il-pajjiżi li qed jirratifikawhom huma obbligati li jikkonformaw il-leġislazzjoni u l-prattika tagħhom mal-konvenzjonijiet. Barra minn hekk, skont id-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali tax-Xogħol tal-1998 tal-ILO (6), l-Istati Membri tal-ILO kollha huma obbligati jirrispettaw u jirrealizzaw fil-leġislazzjoni u fil-prattika l-istandards tax-xogħol ewlenin, anke jekk ma rratifikawx il-konvenzjonijiet rilevanti. |
2.2 Struttura u rilevanza tal-GVCs u l-GSCs fil-kummerċ internazzjonali
2.2.1 |
Is-sehem tal-GVCs fil-kummerċ dinji żdied b'rata mgħaġġla u, skont id-WTO, l-OECD, l-ILO u l-UNCTAD tal-2013 (7), jirrappreżenta bejn 60 % u 80 % tal-kummerċ internazzjonali u aktar minn 20 % tal-impjiegi globalment (8). Is-setturi koperti minn tali komponenti organizzattivi interrelatati bħalma huma l-konċepiment, il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum, xprunati minn intrapriżi multinazzjonali, jinkludu l-agrikoltura, l-industrija (eż. tal-karozzi, tal-ajrunawtika, tat-tessuti u ħwejjeġ, tal-ġugarelli, tal-elettronika) u s-servizzi (eż. ċentri telefoniċi, teknoloġiji tal-informazzjoni). |
2.2.2 |
Il-forom u l-istrutturi ta' dawn il-GVCs ivarjaw ukoll: uħud minnhom huma pjuttost qosra (numru żgħir ta' attivitajiet) filwaqt li oħrajn huma itwal, li jimplikaw rabtiet ekonomiċi, soċjali u finanzjarji bejn kumpaniji stabbiliti f'bosta pajjiżi remoti (mill-Istati Uniti, għall-UE u l-Asja). Skont Gary Gereffi (9), hemm tliet tipi dominanti ta' governanza: GVCs xprunati mix-xerrej, f'ħafna mill-każijiet, xprunati mill-ispiża (dan huwa l-każ tal-GVCs tal-ħwejjeġ u żraben) u GVCs xprunati mill-produttur b'ċerti kompetenzi teknoloġiċi tal-fornituri f'pajjiżi li qed jiżviluppaw inklużi d-disinn u l-innovazzjoni (elettronika). |
2.2.3 |
Il-GSC, minħabba li hija komponent tal-GVC, hija bbażata fuq ir-relazzjoni bejn ix-xerrejja u l-fornituri u subkuntratturi potenzjali. Din il-“katina” tista' tiġi ffurmata b'modi varji: integrata vertikalment, katina magħluqa, governanza ta' katina modulari (il-fornituri ewlenin huma kapaċi joperaw b'mod indipendenti mid-ditta ewlenija) jew ktajjen tas-suq għas-swieq tal-komoditajiet. |
2.3 Ġestjoni tal-GSC fl-Istrateġija tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR): parteċipanti ewlenin u kaxxa tal-għodod
2.3.1 |
Id-definizzjoni tal-UE għar-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħraf “ir-responsabbiltà tal-intrapriżi għall-impatt tagħhom fuq is-soċjetà” (10). |
2.3.2 |
Abbażi ta' ċertu numru ta' problemi li seħħew matul l-aħħar għoxrin sena, partikolarment f'setturi bħall-elettronika, prodotti tal-isport, u l-ħwejjeġ, il-kwistjonijiet li ġejjin ġew identifikati, b'mod partikolari mill-OECD, bħala kruċjali għall-ġestjoni sostenibbli minn intrapriża multinazzjonali, bħala ditta ewlenija, tal-GVC u l-GSC tagħha:
|
2.3.3 |
Firxa wiesgħa ta' atturi: għadd ta' organizzazzjonijiet u entitajiet pubbliċi u privati, nazzjonali, Ewropej u internazzjonali attwalment qed jaħdmu fuq dawn il-kwistjonijiet partikolarment wara d-drama tar-Rana Plaza (Bangladesh) li fl-2013 qatlet aktar minn 1 100 impjegat:
Ġew stabbiliti inizjattivi privati varji jew fuq bażi permanenti jew fuq bażi temporanja, eż. biex jittejbu s-saħħa u s-sigurtà f'fabbriki tal-ħwejjeġ fil-Bangladesh wara l-katastrofi ta' Rana Plaza (Ftehim ta' Bangladesh dwar is-Sigurtà tan-Nar u tal-Bini) (20). |
2.3.4 |
Dawn l-atturi pubbliċi u privati kollha huma involuti fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' għodod u strumenti varji mmirati sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u d-drittijiet fuq il-postijiet tax-xogħol:
|
3. Valutazzjoni ta' xi wħud mill-aħjar prattiki f'żewġ setturi ekonomiċi differenti
3.1 Il-GSC tal-ħwejjeġ u ż-żraben
3.1.1 |
Il-GSC tal-industrija tal-ħwejjeġ u ż-żraben tkopri diversi atturi u proċessi ta' produzzjoni. Ir-reġjun tal-Asja-Paċifiku rrappreżenta $601 biljun tal-esportazzjonijiet globali ta' ħwejjeġ, tessuti u żraben, u dan jirrappreżenta 60 % tal-kummerċ dinji totali, biċ-Ċina li għandha l-akbar sehem. Pajjiżi bħall-Bangladesh jew il-Kambodja jżidu l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom fil-produzzjoni u l-esportazzjoni ta' ħwejjeġ u żraben b'89,2 % u 77,4 % rispettivament tal-esportazzjonijiet tal-merkanzija totali fl-2014 (22). Dan huwa primarjament minħabba ż-żieda drastika fil-pagi fl-industrija tal-ħwejjeġ u t-tessuti Ċiniża, li wasslet sabiex xerrejja internazzjonali jfittxu fornituri ġodda fl-Asja. Skont l-ILO (23), fl-2014 id-dħul medju kien inqas minn $200 fix-xahar fil-maġġoranza tal-pajjiżi. Għal ħaddiema tal-ħwejjeġ mingħajr ħiliet japplikaw pagi minimi ta' kull xahar fiċ-Ċina (sa $297), il-Filippini, il-Malasja, l-Indoneżja ($247), it-Tajlandja, il-Vjetnam ($145), l-Indja ($136), il-Kambodja ($128), il-Pakistan ($119), il-Bangladesh ($71) u s-Sri Lanka ($66). Ir-riskji ewlenin huma n-nuqqas ta' paga għall-għajxien, xogħol sfurzat jew tħaddim tat-tfal, relazzjonijiet industrijali ħżiena minħabba protezzjoni dgħajfa tal-libertà tal-assoċjazzjoni u negozjar kollettiv limitat, saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol dgħajfa, spezzjoni tax-xogħol insuffiċjenti, skemi ta' korriment fuq il-post tax-xogħol mhux żviluppati biżżejjed, tniġġis tal-ilma, espożizzjoni għal sustanzi kimiċi, u sfruttament tal-forza tax-xogħol femminili. |
3.1.2 |
Fl-24 ta' April 2013, il-kollass tal-bini Rana Plaza fil-Bangladesh okkupat minn fabbriki tal-ħwejjeġ ikkawża l-mewt ta' 1 136 impjegat, il-maġġoranza tagħhom nisa. Il-gravità tal-inċident, li ġie kkważat mill-istat ħażin ħafna ta' manutenzjoni tal-bini u n-nuqqas ta' ħruġ ta' sigurtà, wasslet għall-mobilizzazzjoni eċċezzjonali ta' gvernijiet (l-UE u l-Istati Membri, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada, in-Norveġja), organizzazzjonijiet internazzjonali (ILO, OECD u l-Bank Dinji), partijiet interessati internazzjonali u lokali b'sett ambizzjuż ta' azzjonijiet immirati sabiex jinkoraġġixxu nazzjonali miżuri fuq terminu qasir (kumpens għall-familji tal-vittmi, spezzjoni ta' fabbriki tal-ħwejjeġ u azzjonijiet ta' rimedju, metodi ta' awditjar ġodda, reviżjoni tal-Liġi tax-Xogħol), miżuri fuq terminu medju nazzjonali (eż. żvilupp ta' trejdjunjins indipendenti u t-tisħiħ tal-ispezzjoni tax-xogħol), u miżuri sistematiċi sabiex jiġi promoss immaniġġjar responsabbli ta' ktajjen tal-provvista globali.
|
3.1.3 |
L-OECD qed tipprepara Gwida għad-Diliġenza Dovuta dwar Ktajjen ta' provvista Responsabbli fis-Settur tal-Ħwejjeġ u ż-Żraben. |
3.1.4 |
L-ILO, f'kooperazzjoni ma' donaturi internazzjonali, gvernijiet, ħaddiema u impjegaturi, timplimenta proġetti fis-settur tal-ħwejjeġ (eż. fl-Asja) li jimmiraw sabiex ikun hemm aċċess akbar għal informazzjoni dwar il-pagi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali sabiex tittejjeb il-kwalità tad-djalogu soċjali dwar standards tax-xogħol, tissaħħaħ il-kapaċità tal-imsieħba soċjali u tal-mekkaniżmi ta' negozjar kollettiv, kif ukoll sabiex jiġu żgurati l-istandards tax-xogħol fil-livell ta' fabbrika (25). |
3.1.5 |
Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem fuq inizjattiva ewlenija dwar katina tal-provvista tal-ħwejjeġ sostenibbli inklużi ppjanar konġunt, finanzjament ikkoordinat, implimentazzjoni konġunta ta' programmi, sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi, eċċ. |
3.1.6 |
Imsieħba soċjali tal-UE mis-settur tat-tessuti u l-ħwejjeġ żviluppaw inizjattiva konġunta, appoġġjata mill-Kummissjoni Ewropea, b'Għodda ta' Valutazzjoni tar-Riskju tar-responsabbiltà soċjali korporattiva rilevanti għal GSCs. Huma attwalment qed jiffinalizzawha fi tħejjija biex din tinxtered fost l-SMEs u partijiet interessati oħrajn. |
3.1.7 |
Il-Presidenza Netherlandiża tal-UE tixtieq tesplora mezzi sabiex issaħħaħ is-sinerġiji bejn il-politiki tal-iżvilupp u dawk tal-kummerċ tal-UE sabiex tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-GVCs. |
3.1.8 |
Il-Ministru Federali Ġermaniż għall-Ekonomija, il-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp, is-Sur Gerd Muller, stabbilixxa alleanza speċifika għal “tessuti sostenibbli” li tinvolvi l-imsieħba ewlenin. Fl-aħħar G7 huwa ta sommarju konkret ħafna tas-sitwazzjoni: “Jiġi jiswa euro biex tittieħed responsabbiltà, euro wieħed għal kull libsa, ġakketta jew qalziet, sabiex ikun żgurat li x-xogħol iebes fil-Bangladesh, il-Kambodja jew l-Afrika jħallas sew u t-tfal u l-ħajjata jkollhom opportunitajiet fil-ħajja” (26). |
3.1.9 |
Proliferazzjoni ta' inizjattivi privati ġabet esperjenza u għajnuna fl-iskambju tal-aqwa prattiki. Fosthom l-Initiative Clause Sociale (Inizjattiva ta' klważola soċjali) ma' 22 bejjiegħ bl-imnut ewlieni bħal Monoprix, Carrefour jew Casino, li jirrappreżentaw aktar minn €243 biljun ta' fatturat, u li għandhom metodoloġija simili għall-awditjar soċjali tagħhom; u l-BSCI (Inizjattiva ta' Konformità Soċjali tan-Negozju), imnedija fl-2003 mill-FTA (Assoċjazzjoni tal-Kummerċ Barrani) li tinsab fi Brussell, b'aktar minn 1 700 bejjiegħ bl-imnut u importatur minn 36 pajjiż f'relazzjonijiet ta' negozju bi 30 000 impjant. |
3.2 Il-GVC u l-GSC tal-elettroniċi
3.2.1 |
Skont l-istudju dwar GVCs minn Sturgeon u Kawakami (27), “inputs intermedji għall-industrija tal-ħwejjeġ jidhru li huma ħafna inqas importanti f'termini tal-valur tal-kummerċ ta' prodotti intermedji minn inputs għall-industriji tal-elettronika u tal-vetturi tal-passiġġieri.” |
3.2.2 |
Il-GVC tal-elettronika hija waħda mill-aktar importanti fis-settur tal-prodotti b'aktar minn 17 % fi Prodotti Intermedji Mmanifatturati totali fl-2006, imqabbla ma' 2,7 % f'kimiċi u plastiks u 1,9 % f'parts tal-ajruplani. Iż-żewġ pajjiżi li qegħdin fuq quddiem fl-esportazzjoni ta' intermedji elettroniċi huma ċ-Ċina/Ħong Kong u l-Istati Uniti. |
3.2.3 |
It-tliet atturi tad-ditta li qed imexxu l-“modularità tal-katina tal-valur” huma dawn li ġejjin:
Il-modularità ta' din il-katina tal-valur speċifika qiegħda fil-kodifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni ta' proċessi tan-negozju ewlenin bħal disinjar permezz tal-kompjuter, ippjanar u inventarju tal-produzzjoni u l-kontroll loġistiku. |
3.2.4 |
L-elettroniċi tal-konsumatur għandhom ċikli tal-ħajja tal-prodott qosra, li jvarjaw minn 3 sa 18-il xahar, u jispiċċaw fi żmien qasir. Minħabba f'hekk, il-fornituri ta' dawn il-prodotti jiffaċċjaw ordnijiet biex ifornu lis-suq dejjem aktar malajr. Pereżempju, meta l-iPhone tal-Apple ġie introdott fl-2007, iż-żmien biex ifornu lis-suq kien ta' sitt xhur; fl-2012 dan naqas għal inqas minn ġimagħtejn (28). Għall-manifatturi u l-ħaddiema din hija sfida u hemm il-ħtieġa li jiġu żviluppati u implimentati soluzzjonijiet sabiex din tiġi indirizzata. Filwaqt li f'xi kumpaniji ntlaħaq ftehim dwar sahra jew xifts fl-aqwa tal-istaġun u sabiex dan jiġi kkumpensat fil-bqija tas-sena, oħrajn jirrappurtaw żieda sostanzjali f'kuntratti temporanji u fir-reklutaġġ ta' ħaddiema tal-aġenzija jew migranti (eż. fil-Messiku fl-2009, 60 % tal-forza tax-xogħol fl-industrija tal-elettroniċi kienu ħaddiema tal-aġenzija temporanji li telgħu għal 90 % fl-aqwa tal-istaġun) (29). Dan ta' spiss ifisser tnaqqis tad-drittijiet tal-ħaddiema, eż. pagi aktar baxxi, nuqqas ta' kopertura tas-sigurtà soċjali jew projbizzjoni li wieħed jissieħeb fi trejdjunjins. Is-soluzzjonijiet jistgħu jinkludu, flimkien ma' leġislazzjoni nazzjonali, ftehimiet fil-livell ta' intrapriża, kif ukoll koordinazzjoni u skambju ta' informazzjoni aħjar bejn ix-xerrejja u l-fornituri, li b'hekk jippermettu ppjanar aħjar tal-produzzjoni u rikors għal ħaddiema permanenti minflok għal dawk temporanji. |
3.2.5 |
Il-kwistjonijiet ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol jorbtu l-industrija tal-elettronika wkoll mal-kwistjoni ta' minerali li jiġu minn żoni affettwati minn kunflitt u b'riskju għoli, bħar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani (30). Wara l-adozzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Uniti (Att Dodd-Frank), fl-2014 il-Kummissjoni Ewropea ippreżentat proposta għal Regolament li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni awtonoma għal importaturi tal-landa, tantalju, tungstenu u deheb fis-suq tal-UE sabiex ikun żgurat li d-dħul mill-estrazzjoni u kummerċ ta' dawn il-minerali ma jappoġġjax il-kunflitt armat lokali. Minflok, id-diliġenza dovuta akkumpanjata minn miżuri oħrajn għandha tikkontribwixxi għat-trasparenza matul il-katina tal-provvista, u jkollha impatti pożittivi fuq il-ħolqien tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-minjieri, bħas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, livelli ta' dħul jew il-bidal tal-attività f'waħda formali. Dan jippermetti wkoll akkwsit kontinwu mill-Afrika minflok ma wieħed ikollu bżonn jirrikorri għal reġjuni oħrajn tad-dinja, mhux affettwati mill-kunflitt (31). |
3.2.6 |
L-OECD żviluppat Gwida għad-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen tal-Provvista Responsabbli minn Żoni Affettwati mill-Kunflitt u f'Riskju Għoli (32). |
3.3 GVCs u GCSs f'setturi oħrajn
3.3.1 |
Il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll li l-GVCs u l-GSCs f'setturi oħrajn, bħas-servizzi u l-agro-industrija jistgħu jiffaċċjaw problemi ta' kundizzjonijiet tax-xogħol, b'mod partikolari s-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. |
3.3.2 |
L-appoġġ tal-ILO għal xogħol diċenti fl-ekonomija rurali (33) jiffoka fuq 3 oqsma ta' prijorità għal azzjoni: xogħol diċenti għal popolazzjonijiet rurali żvantaġġjati u marġinalizzati u vulnerabbli, xogħol diċenti għal ħaddiema rurali fi ktajjen tal-provvista, xogħol diċenti għal ħaddiema rurali fi pjantaġġjuni. |
4. Il-kontribut tal-KESE dwar kif jiġi żgurat xogħol diċenti fil-GSCs
Fid-dawl tal-105 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol f'Ġunju 2016 (Ġinevra), il-KESE jixtieq li jagħmel il-kontribut tiegħu pubblik flimkien ma' diversi rakkomandazzjonijiet dwar l-aktar modi u mezzi effettivi sabiex jiġi żgurat titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema f'kumpaniji fornituri jew ta' subkuntrattar involuti fi rwoli ta' produzzjoni fi ħdan il-GSCs.
4.1 Jiġi ċċarat ir-rwol ta' kull parti interessata
Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta' kull parti interessata għandhom jiġu ċċarati sabiex tiġi evitata l-konfużjoni:
— |
Il-gvernijiet huma responsabbli għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi tax-xogħol u l-liġi soċjali nazzjonali, għar-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet tal-ILO, u fil-każ tal-Istati Membri tal-UE anke għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-direttivi tal-UE; huwa wkoll id-dmir tagħhom li jipprovdu r-riżorsi amministrattivi u finanzjarji kollha, inkluż għall-ispezzjoni tax-xogħol, sabiex jiżguraw il-konformità mal-qafas legali. |
— |
L-organizzazzjonijiet internazzjonali jistabbilixxu standards u jiżviluppaw inizjattivi globali sabiex jippromovu standards tax-xogħol internazzjonali u kondotta responsabbli fil-qasam tan-negozju. F'dan il-kuntest, dokumenti, bħall-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (il-qafas “protezzjoni, rispett u rimedju”) jipprovdu gwida dwar ir-rwoli u responsabbiltajiet tal-atturi ewlenin. |
— |
L-imsieħba soċjali huma mħeġġin li jinvolvu ruħhom u jippromovu d-djalogu soċjali dwar standards tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż fil-kuntest tas-settur u dak transkonfinali, u l-gvernijiet għandhom jiżguraw li l-libertà ta' assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv tkun protetta u promossa b'mod effettiv. |
— |
L-intrapriżi multinazzjonali għandhom ikunu f'konformità mal-liġijiet applikabbli fil-pajjiżi li joperaw fihom; huma mħeġġin ukoll jimpenjaw ruħhom favur approċċi ta' responsabbiltà soċjali korporattiva u ta' diliġenza dovuta. |
— |
L-NGOs jikkumplementaw l-isforzi ta' atturi oħrajn u għandhom rwol ewlieni fis-sensibilizzazzjoni marbuta mad-drittijiet tax-xogħol, kif ukoll fir-rapportar ta' abbużi. Minħabba l-kumplessità u r-riskji kbar ovvji li jinvolvu dawn il-parteċipanti ewlenin, il-KESE jitlob li jkun hemm pjattaformi strutturati, trasparenti u inklużivi għall-partijiet interessati sabiex jindirizzaw kwistjonijiet kumplessi bħal dawn. |
4.2 Indirizzar tal-isfida statistika tal-kejl tal-flussi kummerċjali u ta' investiment
Il-KESE għandu l-ambizzjoni li jivvaluta r-realtà tal-GVCs u l-GSCs f'termini ta' valur, tkabbir u impjiegi, kif ukoll l-iżviluppi kwalitattivi riċenti tagħhom. Dan ifisser eż. mal-EUROSTAT u mad-DĠ KUMMERĊ dwar id-data disponibbli miġbura mid-WTO u l-OECD. Dan l-għarfien aħjar tal-organizzazzjoni ġdida tal-kummerċ internazzjonali bla dubju se jwassal għal proposti ġodda dwar l-użu tal-għodod tradizzjonali tal-kummerċ u ftehimiet tal-iżvilupp, bħat-tneħħija tat-tariffi, il-konverġenza regolatorja, l-aċċess aħjar għall-akkwist pubbliku, regoli komuni ta' oriġini, il-bini ta' kapaċità u l-għajnuna għall-kummerċ.
4.3 Sforz għal approċċ tal-UE ġenwinament integrat li jikkonċerna eż. il-kummerċ, l-iżvilupp u politika ta' viċinat
Il-KESE jappoġġja r-rieda tal-Kummissjoni Ewropea mfissra fil-komunikazzjoni riċenti dwar il-politika tal-kummerċ u l-investiment tal-UE sabiex jintużaw il-politiki esterni tal-UEbiex jitħeġġeġ l-iżvilupp sostenibbli f'pajjiżi terzi, b'mod partikolari f'pajjiżi li qed jiżviluppaw bħall-Bangladesh, il-Vjetnam, il-Myanmar (34), il-Kambodja, jew l-Laos, kif ukoll pajjiżi f'kontinenti oħrajn, permezz ta' strumenti varji. Dan għandu jinkludi kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli li għandhom jiġu inklużi f'FTAs innegozjati attwalment u f'dawk futuri, rabta aħjar bejn il-politika tal-kummerċ u l-bini tal-għajnuna/kapaċità, il-promozzjoni ta' kondotta responsabbli fil-qasam tan-negozju fil-politika tal-investiment u l-iżvilupp tas-settur privat, proġetti ddedikati li jimmiraw li jkun hemm aktar rispett għall-istandards tax-xogħol, appoġġ għall-imsieħba soċjali nazzjonali fit-taħriġ, u seminars ta' informazzjoni, eċċ.
4.4 Proposti għal impenji realistiċi
Il-KESE għandu ħafna esperjenza fil-qasam tas-sostenibbiltà, b'parteċipazzjoni fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' kapitoli ddedikati fl-FTA, involviment f'firxa wiesgħa ta' Kumitati tas-Soċjetà Ċivili li jippermettulu li jipproponi bilanċ ġust bejn rekwiżiti legali meħtieġa fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, tat-trasparenza, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tal-flessibbiltà meħtieġa tal-intrapriżi multinazzonali li jorganizzaw u jiżviluppaw il-GSCs tagħhom b'mod effettiv adattat għas-sitwazzjonijiet lokali varji.
4.5 Promozzjoni ta' miżuri preventivi effettivi
Madwar id-dinja, l-SMEs qed jinvolvu ruħhom dejjem aktar f'GSCs u għad hemm potenzjal sostanzjali mhux sfruttat għalihom f'dan ir-rigward. Għalhekk, il-KESE jixtieq li jagħti aktar pubbliċità għal xi għodod konkreti disponibbli fis-suq, li diġà huma ppruvati u ttestjati minn kumpaniji, li se jgħinu l-SMEs ikunu involuti fl-immaniġġjar sostenibbli tal-GSCs tagħhom, inkluż l-immappjar ta' fornituri, għodod ta' valutazzjoni awtonoma, standards u proposti għal klawżoli kuntrattwali.
4.6 Għajnuna sabiex tinħoloq ġenerazzjoni ġdida ta' kontrolli
L-awditjar soċjali deher fid-disgħinijiet u ġie kkritikat kemm mil-lat tal-aspetti tekniċi tiegħu (eż. kwalifiki tal-awdituri, metodi ta' kif jitwettaq l-awditjar, natura tal-mistoqsijiet) kif ukoll mil-lat ta' aspetti sostanzjali (kejl provviżorju għal fornitur wieħed, l-ebda progress sistemiku u gradwali, partijiet terzi inkarigati mit-titjib fil-kundizzjonijiet soċjali, eċċ). Il-KESE jixtieq li jappoġġja l-iżvilupp ta' ġenerazzjoni ġdida ta' awditjar li tkopri mhux biss kwistjonijiet soċjali iżda anke dawk ambjentali u ta' governanza b'miri aktar ambizzjużi. L-għan aħħari se jkun li jiġu sostitwiti kwestjonarji standardizzati bi djanjożi bi kriterji multipli speċifiċi għal kumpaniji individwali f'katina tal-provvista globali speċifika u li tiġi introdotta proċedura ta' segwitu robusta bl-appoġġ tal-imsieħba soċjali.
4.7 Ħolqien ta' għodod effiċjenti ta' trasparenza għall-konsumatur
Is-summit tal-G7 f'Diċembru tal-2015 laqa' b'sodosfazzjoni, perżempju, għodod prattiċi bħal apps fuq mowbajls, li jistgħu jgħinu lill-konsumaturi sabiex iqabblu u jifhmu t-tikketti soċjali u ambjentali tal-prodott .
Il-KESE jappoġġja l-isforzi attwali tal-UE sabiex titkejjel u tintwera l-marka tal-karbonju ta' ċerti kategoriji ta' prodotti tal-konsumatur, u huwa lest li jippromovi l-aqwa prattiki nazzjonali fil-qasam tat-tikkettar ambjentali, bħall-esperiment tat-tikkettar ambjentali b'diversi kriterji li sar fi Franza bejn l-2010 u l-2013.
4.8 Appoġġ għal programmi ta' bini tal-kapaċità u inizjattivi oħrajn li jimmiraw li jrawmu d-djalogu soċjali u l-approċċi ta' diversi partijiet interessati
Il-prestazzjoni ekonomika globali tal-kumpaniji u l-osservanza ta' prinċipji tax-xogħol diċenti huma marbuta mill-qrib mal-eżistenza ta' trejdjunjins indipendenti u organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, il-kwalità tad-djalogu soċjali u l-benesseri tal-forza tax-xogħol.
Il-KESE jappoġġja l-“programm Xogħol Aħjar” maħsub mill-ILO, bl-għan tiegħu li jgħin lill-imsieħba soċjali lokali sabiex ikollhom rwol effettiv u jkunu kapaċi jmexxu negozjar kollettiv.
Inizjattiva għas-settur kollu, bħall-Ftehim ta' Bangladesh dwar is-Sigurtà kontra n-Nirien u s-Sigurtà tal-Bini fis-settur tal-Ħwejjeġ Diġà Lesti, tista' timmobilizza lil xerrejja, produtturi u trejdjunjins sabiex jiżviluppaw u jimplimentaw approċċ komprensiv u effettiv li jkopri lill-industrija kollha.
Il-KESE jappoġġja wkoll djalogu soċjali li jkopri l-industriji konċernati, inklużi TCAs/IFAs. TCAs/IFAs eżistenti wrew li huma għodod importanti għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-ktajjen tal-provvista globali. Aktar żvilupp jew applikazzjoni usa' għandhom madankollu jikkunsidraw il-ħtieġa li tiġi ppreservata l-flessibbiltà kemm għall-kontenut kif ukoll għall-mekkaniżmi ta' segwitu ta' ftehimiet bħal dawn. Skont it-tagħlimiet mill-esperjenza f'termini ta' implimentazzjoni, l-imsieħba għandhom ukoll jistinkaw għat-titjib kontinwu tagħhom.
Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, Organizzazzjonijiet Internazzjonali tax-Xogħol, Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
(2) www.globalvaluechains.org/concept-tools.
(3) http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E
(4) http://www.un.org/esa/ffd/wp-content/uploads/2015/08/AAAA_Outcome.pdf
(5) http://www.ilo.org/global/meetings-and-events/campaigns/voices-on-social-justice/WCMS_099766/lang--en/index.htm.
(6) http://www.ilo.org/declaration/thedeclaration/textdeclaration/lang--en/index.htm.
(7) http://unctad.org/en/PublicationsLibrary/wir2013_en.pdf.
(8) http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---dgreports/---dcomm/---publ/documents/publication/wcms_368626.pdf.
(9) “The organisation of Buyer-Driven Global Commodity Chain: How US Retailers Shape Overseas Production Networks”, Commodity Chains and Global Capitalism", Wesport, 1994.
(10) http://ec.europa.eu/growth/industry/corporate-social-responsibility/index_en.htm.
(11) Ara pereżempju l-għodda ta' valutazzjoni personali żviluppata mill-Euratex u IndustriAll bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għal kumpaniji tat-tessuti u tal-ħwejjeġ tal-UE.
(12) http://www.legislation.gov.uk/ukpga/2015/30/contents/enacted.
(13) Fl-2011, il-KESE adotta Opinjoni dwar l-iskema: ĠU C 43, 15.2.2012, p. 82.
(14) http://trade.ec.europa.eu/doclib/events/index.cfm?id=1433 u http://trade.ec.europa.eu/doclib/press/index.cfm?id=1447
(15) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/october/tradoc_153846.pdf.
(16) https://mneguidelines.oecd.org/responsible-supply-chains-textile-garment-sector.htm.
(17) https://mneguidelines.oecd.org/text/.
(18) http://www.oecd.org/daf/inv/investment-policy/rbc-agriculture-supply-chains.htm
(19) http://www.ohchr.org/Documents/Publications/GuidingPrinciplesBusinessHR_EN.pdf.
(20) http://bangladeshaccord.org/.
(21) Jista' jieħu forma ta' ftehimiet ta' kumpaniji transnazzjonali (TCAs), magħrufin ukoll bħala Ftehimiet Qafas Internazzjonali (IFAs). Għal dettalji, ara r-Rapport ta' Informazzjoni REX/443, paġna 8: http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.rex-opinions.35349.
(22) http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---asia/---ro-bangkok/documents/publication/wcms_419798.pdf.
(23) Ibidem
(24) “Progress fl-implimentazzjoni, riżultat tal-laqgħa ta' Rieżami dwar il-Patt ta' Sostenibbiltà għal Bangladesh”, 11 ta' Jannar 2016
(25) http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---asia/---ro-bangkok/---ilo-islamabad/documents/publication/wcms_363149.pdf.
(26) http://www.bmz.de/g7/en/Entwicklungspolitische_Schwerpunkte/Menschenwuerdige_Arbeit/index.html.
(27) “Was the crisis a Window of Opportunity for Developing Countries?”, Timothy J. Sturgeon, Momoko Kawakami, Dokument ta' Riċerka tal-Politika tal-Bank Dinji.
(28) http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_dialogue/---sector/documents/meetingdocument/wcms_345445.pdf.
(29) http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_dialogue/---sector/documents/meetingdocument/wcms_317267.pdf.
(30) F'Ottubru 2013, il-KESE adotta Opinjoni dwar importazzjonijiet essenzjali għall-UE, inklużi minerali u materja prima: ĠU C 67, 6.3.2014, p. 47.
(31) http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-14-157_en.htm.
(32) http://www.oecd.org/corporate/mne/mining.htm.
(33) http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_norm/---relconf/documents/meetingdocument/wcms_311653.pdf
(34) eż. l-Inizjattiva tad-Drittijiet tax-Xogħol ta' Myanmar (ILO, Stati Uniti, il-Ġappun, id-Danimarka, l-UE)
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/28 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-innovazzjoni bħala mutur għal mudelli ekonomiċi ġodda”
(opinjoni esploratorja)
(2016/C 303/04)
Relatur: |
is-Sinjura Ariane RODERT |
Korelatur: |
is-Sur Oliver RÖPKE |
Nhar is-16 ta’ Diċembru 2015, is-Sur Boereboom, Direttur Ġenerali fil-Ministeru Netherlandiż għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjieg, f’isem il-Presidenza Netherlandiża futura tal-Kunsill, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar:
“L-innovazzjoni bħala mutur għal mudelli ekonomiċi ġodda”.
(opinjoni esploratorja)
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Mejju 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’131 vot favur u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
L-Ewropa qed tiffaċċja sfidi kumplessi li jitolbu għal tiġdid tal-mudelli soċjali u ekonomiċi. Biex jinkisbu l-progress, it-tkabbir u l-benesseri fl-Ewropa, hemm bżonn ta' bidla lejn ekonomija bbażata fuq l-innovazzjoni. |
1.2 |
F’dan il-kuntest, qegħdin jitfaċċaw kunċetti innovattivi u mudelli ta' negozju, li jindikaw bidla minn innovazzjoni tradizzjonali għal innovazzjoni li tqis il-perspettivi tekniċi, ambjentali u soċjali, b’enfasi fuq il-ħajja tan-nies u l-benesseri. |
1.3 |
Għaldaqstant, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa qafas ta’ politika biex jiġu appoġġjati dawn il-mudelli ta’ negozju ġodda li qed jitfaċċaw. Dan għandu jsir billi jiġu rikonoxxuti, kollegati u promossi kunċetti ċentrali għal dawn il-mudelli ta' intrapriża li jibnu fuq teoriji bħall-valur kondiviż, l-impatt kollettiv, il-kejl tal-impatt, is-sħubija abbażi tal-ispirali u l-innovazzjoni soċjali. |
1.4 |
Il-qafas jinkludi ambjent favorevoli li jneħħi l-ostakoli u jespandi l-kunċetti tradizzjonali ta’ intrapriża. Il-kwistjonijiet li għandhom jiġu esplorati huma l-akkwist pubbliku, ir-regolamentazzjoni favur l-innovazzjoni, strument finanzjarju mfassal apposta, appoġġ immirat aħjar mill-Fond Strutturali, inċentivi fiskali potenzjali, it-taħriġ, l-appoġġ u l-aġġornar tal-ħiliet, dan tal-aħħar billi jitqiesu speċifikament id-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni. |
1.5 |
Huwa kruċjali li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej jirrikonoxxu bis-sħiħ u jippromovu mudelli ta’ negozju “aktar ġusti””, li jiffokaw fuq il-ksib tal-innovazzjoni għal żvillup soċjali billi jiġi integrat il-kejl tal-impatt soċjali b’mod parallel għar-rappurtar tal-progress ekonomiku. |
1.6 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintegra bis-sħiħ il-prinċipji tal-Pakkett ta’ Investiment Soċjali u r-rabta tiegħu mal-innovazzjoni soċjali fl-iżvilupp tal-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali, peress li ħafna minn dawn il-mudelli ġodda ta' negozju huma espressjoni konkreta ta’ dawn il-prinċipji. |
1.7 |
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-innovazzjoni soċjali tiġi integrata b’mod sħiħ fil-programmi relatati mal-innovazzjoni. L-appoġġ finanzjarju mill-UE, bħall-Orizzont 2020, għall-innovazzjoni soċjali għandu jintuża bis-sħiħ u għandu jiġi evalwat abbażi tad-dħul tekniku (minn kull parti interessata) u impatt politiku. |
1.8 |
L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jintegraw il-prinċipji tal-innovazzjoni fil-politika dwar l-intrapriżi, biex jiżguraw kultura abilitanti li tippromovi, tilqa’, tippremja u xxerred l-innovazzjoni. Din il-kultura tinkludi elementi bħall-esperimentazzjoni, il-kostellazzjonijiet ta’ sħubijiet ġodda u viżjoni estiża dwar il-ħolqien tal-valur fis-soċjetà. |
1.9 |
L-UE għandha tpoġġi enfasi akbar fuq l-appoġġ u l-protezzjoni tal-SMEs, b’mod partikolari, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, il-mikrointrapriżi u n-negozji tal-familja, u t-tipi kollha ta’ negozji ġodda f’inizjattivi tal-politika tal-innovazzjoni sabiex jitjiebu l-kondizzjonijiet għas-sostenibbiltà u r-replikazzjoni/l-iskalar. |
1.10 |
Mudelli tan-negozju innovattivi ġodda għandhom jiġu kkunsidrati b’mod sħiħ f’inizjattivi ta’ politika orjentata lejn ir-rivoluzzjoni industrijali 4.0, u l-politiki relatati bħall-ekonomija ċirkulari, kondiviża u funzjonali, dan billi jitħeġġeġ l-adattament tan-negozji u mudelli kollha eżistenti, jiġu appoġġjati l-forom ġodda u mhux konvenzjonali ta’ intrapriżi, jiġu ffurmati relazzjonijiet ġodda u mudelli aġġustati ta’ kooperazzjoni. |
1.11 |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex fir-reviżjoni li jmiss tal-istrateġija dwar is-suq uniku, li hija mistennija fl-2017, tinkorpora bis-sħiħ dawn il-mudelli ġodda ta' negozju u tissuġġerixxi miżuri ġodda f’din id-direzzjoni. |
1.12 |
Bl-istess mod għan-negozji kollha, huwa essenzjali li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ xogħol deċenti, id-drittijiet soċjali tal-impjegati u r-rwol tal-imsieħba soċjali fil-kuntest ta’ mudelli kummerċjali ġodda. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Fl-Ewropa qiegħed jitfaċċa b'mod rapidu xenarju soċjali ġdid, li jappella għal mudelli ekonomiċi u soċjali ġodda sabiex l-Ewropa tinbidel f'ekonomija moderna u kompetittiva globalment. |
2.2 |
Biex jinkisbu tkabbir għal progress, koeżjoni soċjali u benesseri, hemm bżonn ta' mentalità ġdida fir-rigward tal-innovazzjoni. L-innovazzjoni u r-riċerka madwar id-dinja adottaw din il-mentalità, bħalma għamlu wkoll ħafna intrapriżi, li issa qed jistinkaw għal tkabbir u impatt soċjali u ambjentali, kif ukoll ekonomiku. Barra minn hekk, l-aspettattivi u d-domanda tal-konsumaturi juru appoġġ għal dan l-approċċ. Dan jidher biċ-ċar bil-ħolqien ta’ inizjattivi bħall-ekonomiji kollaborattivi, ċirkolari u kondiviżi. Dak li dawn l-inizjattivi għandhom inkomuni huwa l-fatt li huma bbażati fuq sett ġdid ta’ valuri u jimmiraw għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv għall-progress li jgħaqqad l-innovazzjoni teknika, ambjentali u soċjali. |
2.3 |
L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li jiġu esplorati xi kunċetti ġodda li huma ċentrali għall-innovazzjoni bħala muturi għal mudelli ġodda ta’ negozju. B’mod partikolari din ser tuża l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali biex turi eżempju. L-opinjoni tibni fuq l-acquis tal-KESE f’dan il-qasam u b’mod partikolari fuq il-ħidma li saret permezz tal-proġett tal-KESE dwar l-intrapriżi soċjali (1). Din l-opinjoni ma tindirizzax kunċetti bħall-ekonomija ċirkolari, kollaborattiva, funzjonali jew kondiviża, l-innovazzjoni jew il-politiki tal-SMEs li huma indirizzati f'opinjonijiet tal-KESE relatati oħra. |
3. Kunċetti ġodda li jirriżultaw
3.1 Il-promozzjoni tal-innovazzjoni soċjali u soċjetali bħala mudell tal-intrapriża
3.1.1 |
L-Ewropa qed tiffaċċja sfidi soċjetali kumplessi li s-sistemi eżistenti naqsu milli jindirizzaw. Dan jindika bidla fundamentali li tirrikjedi mentalità ġdida u soluzzjonijiet innovattivi. Dawn l-innovazzjonijiet ta' spiss jissejħu innovazzjonijiet soċjali jew innovazzjonijiet soċjetali. “L-innovazzjoni soċjali hija innovazzjoni li tkun soċjali kemm fil-finijiet kif ukoll fil-mezzi tagħha. Tiġi kkomplementata minn dan li ġej: speċifikament, l-innovazzjonijiet soċjali huma definiti bħala ideat ġodda (prodotti, servizzi u mudelli) li fl-istess ħin jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali (b’mod aktar effettiv mill-alternattivi) u joħolqu relazzjonijiet soċjali jew kollaborazzjonijiet ġodda. Fi kliem ieħor, l-innovazzjonijiet mhux biss huma tajbin għas-soċjetà, iżda jtejbu wkoll il-kapaċità tas-soċjetà sabiex taġixxi” (2). L-innovazzjonijiet soċjali jitfaċċaw fis-setturi kollha, u mhuma xejn ġdid, iżda l-karatteristika komuni hija li eventwalment dawn iwasslu għal bidla sistematika. |
3.1.2 |
Fid-dinja akkademika, l-innovazzjoni llum il-ġurnata tinkludi aktar minn żviluppi tekniċi. Ir-riċerkaturi issa jaqblu li l-innovazzjoni u r-riċerka għandhom iqisu l-perspettivi tekniċi, ambjentali u soċjali. Hemm interdipendenza bejn l-innovazzjoni soċjali, diġitali u teknika. Ir-rwol tat-teknoloġija diġitali f’dan il-kuntest huwa bħala għodda biex tħeġġeġ il-kondiviżjoni u l-għoti tas-setgħa lin-nies biex jieħdu azzjoni, filwaqt li l-innovazzjoni soċjali hija l-għan ewlieni. |
3.1.3 |
L-innovazzjoni soċjali timmanifesta ruħha b’mod differenti mill-innovazzjoni teknika. Hija mmotivata mill-ħtieġa u ta' spiss ikollha l-għan li tindirizza sfida f'soċjetà jew tiffoka fuq grupp ta' utenti speċifiku, filwaqt li jitqiesu l-perspettivi soċjali, amjentali u ekonomiċi. L-aktar innovazzjonijiet soċjali li jirnexxu jirrikjedu ħsieb olistiku li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal bidla sistemika aktar milli jindirizza kwistjoni jew suġġett wieħed. |
3.1.4 |
Il-pedament tal-innovazzjoni soċjali huwa punt ta' ħsieb etiku, ideoloġiku jew ta' interess ġenerali. Dan jintwera mir-rwol li storikament kellha u li għandha issa s-soċjetà ċivili fit-tfassil tas-sistemi soċjali. L-innovazzjoni soċjali tista’ tkun kunċett ġdid, iżda din ilha teżisti għal żmien twil. |
3.1.5 |
L-innovazzjoni soċjali hija bbażata fuq komunikazzjoni miftuħa u soluzzjoni tal-problemi b'mod kollaborattiv fejn jiġu involuti partijiet interessati differenti u prattiki li jwasslu għal soluzzjonijiet ġodda. L-innovazzjoni soċjali qed tkisser l-ostakli li jisseparaw lis-setturi u s-swieq, u tissostitwixxi l-loġika tal-kompetizzjoni b'soluzzjonijiet ta' sħubija kollaborattiva u fit-tul. L-għan huwa l-kondiviżjoni, marbut mal-moviment favur l-aċċess ħieles għas-sorsi (open-source) u fejn jiġu applikati approċċi mhux kompetittivi. |
3.1.6 |
L-innovazzjoni soċjali toffri orizzont fundamentali għall-Ewropa u ser tippromovi l-“ekonomija soċjali tas-suq reali” skont l-Artikolu 2 tat-Trattat ta’ Lisbona. Madankollu, dan jista’ jinkiseb biss jekk l-innovazzjoni tkun immirata b’mod ċar lejn objettivi bħalma huma l-inklużjoni u l-ugwaljanza. Dan min-naħa tiegħu ser jaċċellera d-dehra ta' aktar innovazzjoni soċjetali. |
3.2 Ir-reviżjoni tal-ħolqien tal-valur minn perspettiva ta’ valur kondiviż
3.2.1 |
Qed jikber l-għarfien li perspettiva aktar komprensiva tal-ħolqien ta' valur — ekonomikament, soċjalment u ambjentalment — hija fil-qalba ta’ każ ta’ negozju attraenti. Il-fatt li l-profitt ekonomiku jiġi ġġenerat jew jiżjied billi jiġu żgurat valur soċjali u ambjentali akbar juri biċ-ċar li t-tkabbir ekonomiku huwa marbut ma’ progress soċjali u ambjentali. Dan huwa referut bħala l-ħolqien ta’ valur komuni, kunċett esplorat minn diversi riċerkaturi (3). |
3.2.2 |
Ċentrali għal din l-istrateġija hija l-bidla min-norma li tiġi ottimizzata l-prestazzjoni finanzjarja għal perjodu qasir biex jiġi ġġenerat valur ekonomiku b’tali mod li jipprodui wkoll il-progress soċjali u l-valur għas-soċjetà. Valur kondiviż jista’ jikkostitwixxi l-mutur tal-mewġa li jmiss ta’ innovazzjoni u tkabbir fil-produttività fl-ekonomija globali. |
3.2.3 |
L-appoġġ għal ekonomija tas-suq soċjali reali jirrikjedi it-tħeġġiġ ta' forom ta’ investimenti maħsuba speċifikament biex jappoġġjaw il-ħolqien ta’ ekonomija inklużiva, demokratika u aktar parteċipattiva. Hawnhekk hemm bżonn ta' ekosistema finanzjarja sħiħa, fejn b'mod partikolari huwa interessanti li jitqiesu forom b’kapital ibridu jew ikkombinat, suġġett li l-KESE esplora f’ħidma preċedenti (4). |
3.2.4 |
Fil-loġika tal-valur kondiviż, il-ħolqien tal-valur ma jibqax jirrappreżenta trasferiment tal-valur eżistenti iżda pjuttost żieda fil-valur soċjali, ambjentali u ekonomiku b'mod globali. Barra minn hekk, dan jenfasizza li s-suq mhuwiex definit biss f'termini ekonomiċi iżda jinkorpora wkoll aspetti soċjali u ambjentali. Element prinċipali huwa li l-valur kondiviż jibni fuq is-saħħa u d-differenzi bejn is-settur privat u dak tas-soċjetà ċivili, biex jiġi applikat mudell ta’ kokreazzjoni, li fl-aħħar mill-aħħar joħloq swieq ġodda kif ukoll swieq jikbru. |
3.3 Nibnu fuq approċċ ta’ sħubija
3.3.1 |
L-iffaċċjar ta' sfidi soċjetali kumplessi ta’ spiss jeħtieġ kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-gvern, is-suq u s-soċjetà ċivili biex jinħolqu soluzzjonijiet effettivi. Din is-sħubija hija bbażata fuq fehim profond tal-perspettivi ta' kull parti interessata, fuq it-teħid rapidu tad-deċiżjonijiet u fuq approċċ empatiku. |
3.3.2 |
Il-kooperazzjoni, il-kokreazzjoni u l-innovazzjoni transettorjali għandhom vantaġġi enormi fuq il-modi li bihom is-soċjetà indirizzat kwistjonijiet soċjetali fil-passat. Huwa importanti, għal dan il-għan, li jinġabru l-partijiet interessati minn kmieni biex b’mod konġunt jiġi definit għan soċjetali kondiviż u l-passi li jridu jittieħdu. |
3.3.3 |
Ta’ min jinnota li, peress li l-innovazzjoni ħafna drabi toħroġ fid-dieher fil-kuntest lokali qrib il-ħtiġijiet reali, l-attenzjoni u l-appoġġ għandhom ikunu għas-soċjetà kollha. Hemm potenzjal kbir biex jinġabru u jinqasmu dawn l-esperjenzi lokali, li ħafna minnhom jistgħu jiġu riprodotti u aġġustati f’diversi reġjuni u pajjiżi. |
3.4 Nimmiraw għal impatt kollettiv
3.4.1 |
Kif intqal, il-bidla soċjali fuq skala kbira teħtieġ koordinazzjoni, allinjament u sħubija wiesgħa u transsettorjali. Barra minn hekk, riżultat wieħed għandu jkun l-impatt kollettiv. |
3.4.2 |
L-impatt kollettiv jibni fuq l-impenn ta’ grupp ta’ partijiet interessati ċentrali fis-setturi, li jiffoka fuq aġenda komuni biex jissolvew problemi soċjali jew soċjetali speċifiċi. Barra minn hekk dan jinvolvi infrastruttura ċentralizzata, persunal dedikat, proċess strutturat, kejl komuni, komunikazzjoni kontinwa u attivitajiet rinforzati b’mod reċiproku fost il-parteċipanti kollha. Il-bidla soċjali fuq skala kbira ser toħroġ bħala riżultat ta’ koordinazzjoni transsettorjali aħjar aktar milli minn organizzazzjonijiet individwali. |
3.5 Napplikaw il-kejl tal-impatt soċjali
3.5.1 |
Jekk il-kunċett ta’ innovazzjoni għandu jinkludi mhux biss perspettivi tekniċi iżda wkoll soċjali u ambjentali, il-progress irid jitkejjel b’mod differenti. Il-KESE diġà esplora suġġetti (il-kejl tal-impatt soċjali (5) u l-ekonomija għall-ġid komuni (6)) fejn il-ħtieġa għal viżjoni usa’ dwar ir-riżultati u r-rappurtar intweriet b’mod ċar. |
3.5.2 |
Għal żmien twil, l-indikaturi ekonomiċi kienu l-istandard biex jitkejlu r-riżultati. Iżda l-ħruġ fid-dieher dejjem jiżdied ta' strutturi ibridi li jwasslu l-innovazzjoni jitlob sett ta’ indikaturi ġodda u olistiċi li jkejlu l-impatt soċjali, ambjentali u ekonomiku. |
3.5.3 |
L-applikazzjoni tal-prinċipji tal-kejl tal-impatt soċjali tinvolvi approċċ tal-partijiet interessati, fehim komuni u d-definizzjoni tar-riżultati ewlenin, kif ukoll l-iffissar komuni ta’ indikaturi. Dan għandu jgħin biex jiġi enfasizzat il-valur reali maħluq. L-attenzjoni hija li jkun hemm bidla minn rappurtar ekonomiku għall-kejl ta' fatturi bħall-input, prestazzjoni, effetti u impatt soċjali. Huwa importanti li l-partijiet interessati ikunu tal-istess fehma dwar dawn il-kunċetti, peress li dawn huma applikati kemm fil-kuntest tal-innovazzjoni kif ukoll fil-kuntest kummerċjali. |
3.6 L-innovazzjoni u x-xogħol deċenti
3.6.1 |
L-innovazzjoni soċjali u teknika jista’ jkollha impatt kbir ħafna fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati. Iż-żieda fl-individwalizzazzjoni u aktar awtonomija u flessibilità fir-relazzjonijiet tax-xogħol m’għandhomx iwasslu għal deterjorament fil-protezzjoni soċjali. Sabiex il-mudelli innovattivi jħallu l-frott, il-prinċipji ta’ xogħol deċenti għandhom jibqgħu jkunu ggarantiti anke f’ambjent li nbidel (7). |
3.6.2 |
L-innovazzjoni ser timxi id f’id mal-progress soċjali ġenerali biss jekk il-partijiet interessati kollha jiġu inklużi u jibbenefikaw minnha, jekk il-valur miżjud ikun imqassam b’mod ġust u jekk ma jiżżarmawax id-drittijiet soċjali. Il-protezzjoni soċjali tal-impjegati għandha tibqa' tkun garantita anke f’kondizzjonijiet mibdula. |
3.6.3 |
L-istess jgħodd għad-drittijiet soċjali individwali tal-impjegati, speċjalment il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi. Il-mudelli innovattivi u d-diġitalizzazzjoni b’mod partikolari ta' spiss iwasslu għal grad ogħla ta’ individwalizzazzjoni fil-post tax-xogħol u jipperikolaw l-istandards soċjali. Il-mudelli innovattivi sostenibbli iridu jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, anke f’dinja tax-xogħol li dejjem tinbidel. |
3.6.4 |
Mudelli ta’ negozju innovattivi ġodda jridu jippromovu d-drittijiet kollettivi tal-impjegati, l-implimentazzjoni prattika tagħhom u r-rwol tal-imsieħba soċjali. L-imsieħba soċjali, il-ftehimiet kollettivi u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema ta’ spiss huma sors ta’ innovazzjoni, peress li joħolqu l-kondizzjonijiet qafas neċessarji. |
3.6.5 |
Id-djalogu soċjali u l-ftehimiet kollettivi komprensivi għandhom ikomplu jiġu promossi, għaliex dawn jistgħu wkoll jikkontribwixxu għat-titjib tal-kondizzjonijiet qafas għat-tranżizzjoni lejn mudelli ta’ negozju innovattivi. Ir-“regoli soċjali tal-logħba” ta' spiss kellhom jiġu adattati għal żviluppi tekniċi u soċjali ġoddafil-passat, u dan ser ikompli jkun meħtieġ fil-ġejjieni. Ara pereżempju t-tqassim mill-ġdid tax-xogħol (pereżempju tnaqqis tal-ħin tax-xogħol). |
4. Il-promozzjoni ta’ mudelli diversi ta’ intrapriża – l-eżempju ta’ intrapriżi tal-ekonomija soċjali
4.1 |
Il-KESE jappoġġja l-bżonn li jiġu rikonoxxuti u promossi d-diversità u l-pluralità sħaħ tal-mudelli ta’ negozju u ta’ intrapriża li flimkien isawru s-suq uniku (8). Qasam fejn il-KESE għandu esperjenza speċifika hija l-intrapriża tal-ekonomija soċjali. L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u l-intraprendituri soċjali jinkorporaw numru ta’ kunċetti diskussi hawn fuq u juru tajjeb dawn il-forom ibridi ta’ mudelli ta’ intrapriża li qed jitfaċċaw fl-Ewropa. |
4.2 |
Fl-Ewropa jeżistu aktar minn 2 miljun intrapriża soċjali li jikkontribwixxu għall-10 % tal-PDG. Madankollu f’ħafna Stati Membri, is-settur huwa ġdid u sottożviluppati li jindika opportunità sinifikanti ta’ żvilupp. Is-soċjetà ċivili u l-ekonomija soċjali huma marbutin mill-qrib u permezz tal-innovazzjoni kkontribwixxew għal bidliet sistemiċi sinifikanti fis-soċjetà bħall-kura tat-tfal, l-isptarijiet, il-promozzjoni tal-awtonomija personali u l-għajxien indipendenti tal-anzjani u l-persuni b’diżabilità, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, l-integrazzjoni tax-xogħol u l-akkomodazzjoni (soċjali), kif ukoll bosta sejbiet jew invenzjonijiet xjentifiċi. |
4.3 |
Iċċentrati fuq grupp speċifiku ta’ utent, ħtieġa mhux indirizzata fis-soċjetà jew intiżi biex jimlew il-vojt, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jesperimentaw u jinnovaw soluzzjonijiet, filwaqt li jkunu involuti f’attività ekonomika. Dawn jerġgħu jinvestu l-profitti biex jinkisbu l-missjoni soċjali u l-impatt. L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali ġew enfasizzati reċentement peress li jipprovdu soluzzjoni interessanti billi joħolqu valur doppju – soċjalment permezz tal-attivitajiet tagħhom (koeżjoni jew inklużjoni soċjali) u ekonomikament (permezz tal-kummerċ, ħolqien tan-negozji u l-impjieg). |
4.3.1 |
It-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-kreattività tiddependi fuq kull parti interessata, kif ukoll fuq l-imġiba u l-attitudnijiet. Għalhekk huwa kruċjali mhux biss li jissaħħaħ is-settur tal-intrapriża tal-ekonomija soċjali iżda wkoll li tiġi żgurata attitudni miftuħa lejn mudelli diversi oħra emerġenti. Għandha titrawwem kultura ta’ kooperazzjoni u ta’ valuri kondiviżi, prinċipju li ġie inkorporat, pereżempju, fl-ekonomija soċjali sa mill-bidu. It-twettiq tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali permezz tal-innovazzjoni tagħhom joħloq opportunitajiet ġodda ta’ swieq, u trid tingħata attenzjoni speċifika biex jitħarsu dawn l-entitajiet sabiex ikomplu jiżviluppaw. |
4.3.2 |
B’mod partikolari ta’ min jinnota li r-riċerka turi li n-nisa huma rappreżentati ħafna aktar fl-intrapriża soċjali milli fl-intrapriża tradizzjonali. Barra minn hekk, studji li jiġbru data diżaggregata skont is-sessi dwar is-suġġett urew li f’xi pajjiżi Ewropej saħansitra hemm iktar intraprendituri soċjali nisa minn irġiel. Dawn l-istudji donnhom jindikaw ukoll li l-intraprendituri soċjali nisa huma aktar inovattivi mill-intraprendituri soċjali rġiel, filwaqt li jonfqu inqas fuq l-innovazzjoni (9). Din ir-riċerka turi qasam kbir ta’ żvilupp b’enfasi partikolari fuq l-appoġġ lill-intraprenditorjat soċjali tan-nisa. |
5. Il-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għal mudelli ġodda u innovattivi ta’ negozju
5.1 |
Mudelli ġodda u innovattivi ta’ negozju bħall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma parti mill-ekonomija regolari u ma jkunux f’kunflitt ma’ mudelli oħrajn ta' negozju. Bix-xenarju soċjetali li qiegħed jinbidel fl-Ewropa, l-enfasi għandha titpoġġa fuq il-forom kollha tal-innovazzjoni li jwasslu għal mudelli ġodda ta’ negozju. Filwaqt li dawn il-mudelli ġodda jibbażaw fuq ħafna mill-kunċetti diskussi fil-Kapitolu 3, ħafna mill-programmi eżistenti ta’ appoġġ lin-negozju, l-iżvilupp u l-programmi ta’ tnedija kif ukoll kondizzjonijiet oħra neċessarji bħal-leġislazzjoni u strumenti finanzjarji ta’ spiss jonqsu milli jappoġġjaw dawn il-mudelli diversi ta’ negozju, minħabba li llum il-ġurnata, ħafna mill-appoġġ u politika jibqgħu mfassla għal mudell u loġika ta’ kumpanija standard u aktar tradizzjonali. Għalhekk, sabiex jinkiseb appoġġ għall-firxa kollha ta’ mudelli diversi ta’ negozju li qed joħorġu fid-dieher fl-Ewropa, għandhom jiġu kkunsidrati l-elementi li ġejjin. |
5.1.1 |
Fil-każ tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, il-KESE huwa favur ekosistema sħiħa li hija speċifikament imfassla għall-karatteristiċi uniċi ta’ dan il-mudell ta' negozju partikolari (10). Bl-istess mod, l-ekosistemi għandhom ukoll jiġu żviluppati għal kunċetti ġodda u ibridi oħra ta’ negozju. Barra minn hekk, l-appoġġ eżistenti għandu jiġi aġġornat u aġġustat sabiex jiġu koperti dawn il-mudelli ġodda kif ukoll sabiex jiġu appoġġjati negozji eżistenti bil-għan li jaġġustaw u japplikaw dawn ix-xejriet ġodda. L-ekosistema ideali tinkludi elementi bħal ekosistema finanzjarja adattata b’soluzzjonijiet ta’ kapital ibridu, forom aħjar ta’ akkwist, appoġġ adatt għall-iżvilupp tan-negozju u l-applikazzjoni tal-kejl tal-impatt soċjali. Dan huwa kruċjali biex jiġu appoġġjati l-ħruġ fid-dieher u s-sostenibbiltà ta’ kull mudell ta’ negozju. |
5.1.2 |
L-innovazzjoni m’għadhiex lineari. Il-kombinazzjoni ta’ perspettivi tekniċi, ambjentali u tal-innovazzjoni soċjali hija kruċjali fl-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet futuri. L-integrazzjoni bis-sħiħ ta' dawn il-kunċetti tirrikjedi viżjoni ġdida dwar ir-rapportaġġ tal-progress, wieħed li huwa bbażat fuq l-eżitu jew l-impatt. B’mod partikolari hawnhekk huma importanti żewġ elementi: il-ħolqien tal-valur kondiviż u l-prinċipju fundamentali triplu (l-iżgurar tal-progress soċjali, ambjentali u ekonomiku għandu piż ugwali). Forom ġodda ta' intrapriżi ibridi ser jitfaċċaw b'mod rapidu hekk kif jirrikonoxxi l-valur totali tal-impatt kollettiv tal-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-valur kondiviż għadu fil-bidu tiegħu. Għaldaqstant, dan jeħtieġ li l-maniġers jiżviluppaw ħiliet u għarfien ġodda u li l-gvernijiet jitgħallmu kif għandhom jirregolaw dwar il-modi li jippermettu u mhux jostakolaw il-valur komuni. |
5.1.3 |
Is-swieq finanzjarji għandhom funzjoni ewlenija fl-allokazzjoni tar-riżorsi fi ħdan is-soċjetà b’mod korrett. Iżda l-fokus fuq perjodu qasir tagħhom li dejjem jiżdied jikkonfliġġi direttament mar-rekwiżit biex jindirizzaw il-ħtiġijiet fit-tul tas-soċjetà, li huma indirizzati f’diversi rapporti (11). In-negozji għandu jkollhom spazju biex jinvestu għall-ġejjieni sabiex jiġġeneraw valur għall-investituri kif ukoll għas-soċjetà inġenerali. Dan jitlob għal sistemi ġodda li jippremjaw l-imġiba fit-tul tal-investituri. F’dan ir-rigward il-finanzjament pubbliku, ta’ spiss fil-forma tal-kapital ibridu, jirrappreżenta element importanti, li sikwit jenfasizza l-iżvilupp tal-intrapriżi. |
5.1.4 |
Sabiex l-innovazzjoni tixpruna mudelli ġodda ta' negozju, trid tiġi promossa kontinwalment kultura favur l-innovazzjoni. L-inkoraġġiment tal-iskemi tal-esperimentazzjoni li jilqgħu kemm is-suċċess kif ukoll il-falliment (bħala mod ta' tagħlim) huwa ċentrali biex titrawwem kultura favur l-innovazzjoni fl-Ewropa. Mingħajr ma l-prinċipju ta’ prekawzjoni jkun ostaklu għall-innovazzjoni, il-“Prinċipju ta’ Innovazzjoni” għandu jiġi applikat b’mod addizzjonali għall-prinċipju ta prekawzjoni; il-“Prinċipju ta’ Innovazzjoni” ifisser li jitqies l-impatt tal-liġijiet u r-regolamenti fuq l-innovazzjoni. It-tfassil ta’ proċessi u sistemi madwar il-kunċett tas-sħubija billi jiġu involuti l-partijiet interessati prinċipali (l-iffaċilitar ta' forums miftuħa, spazji għad-djalogu u laqgħat kooperattivi) huwa punt ta’ tluq. Dan diġà qed iseħħ madwar l-Ewropa u jista' faċilment jiżdied, jiġi kondiviż u mxerred (12). |
5.2 |
Ir-rieda politika u s-sjieda huma ċentrali biex jingħata spinta lill-ħolqien ta’ negozji ġodda fl-Ewropa. L-iżvilupp ta’ aġendi ta’ politika koerenti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri mfassla biex jiġu appoġġjati mudelli ta' negozju differenti huwa kruċjali. Huwa ċar li biex jinkiseb it-tkabbir u l-benesseri fl-Ewropa, hemm bżonn ta' bidla lejn ekonomija u soċjetà bbażati fuq l-innovazzjoni. Il-leġislazzjoni u l-politiki tas-suq intern għandhom jiġu kkalibrati b'mod adegwat għal dan l-għan. Ir-reviżjoni tal-istrateġija tas-suq uniku, li hija mistennija fl-2017, hija opportunità biex jiġu kkunsidrati miżuri ġodda f’din id-direzzjoni. |
5.2.1 |
Appoġġ adegwat u sostnut għal riċerka bażika u applikata, bħala l-qofol tal-innovazzjoni futura, huwa kruċjali, minħabba l-enfasi fuq il-valur kondiviż u l-prinċipju fundamentali triplu. Barra minn hekk, l-attivitajiet ta’ dawn il-mudelli ġodda ta' negozju għandhom ikunu s-suġġett ta' deskrizzjoni statistika, sabiex jiġi pprovdut l-aktar appoġġ adegwat ta' politika. |
5.2.2 |
Huwa importanti li tinħoloq kuxjenza dwar id-diversi forom ta’ innovazzjoni u l-innovaturi. L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u s-soċjetà ċivili ħafna drabi jonqsu milli jiddeskrivu lilhom infushom bħala innovaturi. Iż-żieda fil-viżibbiltà tal-innovazzjoni soċjali u l-iżgurar li tiġi rikonoxxuta billi b'mod espliċitu jiġi vvalutat il-kontribut wiesa' tagħha għas-soċjetà ser tinkoraġġixxi aktar innovazzjoni fis-setturi kollha. |
5.2.3 |
L-UE tibqa’ twettaq rwol ewlieni fil-ġbir u l-kondiviżjoni ta’ inizjattivi ġodda, tiffaċilita ambjent favorevoli u tiżgura li dawn it-tendenzi ġodda jiġu riflessi f'inizjattivi ewlenin ta' politika. Il-Kummissjoni tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tiffaċilita dan l-iskambju tal-aqwa prattiki u l-mudelli li għandhom jiġu replikati. |
Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.social-entrepreneurship-make-it-happen.
(2) Sors: http://ec.europa.eu/archives/bepa/pdf/publications_pdf/social_innovation.pdf
(3) https://hbr.org/2011/01/the-big-idea-creating-shared-value/ar/1
(4) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 152.
(5) ĠU C 170, 5.6.2014, p. 18.
(6) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 26.
(7) Skont l-ILO, il-prinċipji ta’ xogħol deċenti jsegwu l-għanijiet li ġejjin: l-implimentazzjoni ta’ standards prinċipali tax-xogħol; opportunitajiet ta’ xogħol deċenti bi dħul finanzjarju suffiċjenti; it-tisħiħ tas-sigurtà soċjali u t-tisħiħ tad-djalogu bejn l-imsieħba soċjali.
(8) ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22.
(9) WEstart: Mapping Women’s Social Entrepreneurship in Europe, 2015 (L-immappjar tal-intraprenditorjat soċjali tan-nisa fl-Ewropa, 2015).
(10) http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.social-entrepreneurship-make-it-happen.
(11) The Kay Review, 2012: https://www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/253454/bis-12-917-kay-review-of-equity-markets-final-report.pdf
(12) Europe Tomorrow – Loss (FR) and unMonastery (IT) projects.
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/36 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ekonomija kollaborattiva u l-awtoregolazzjoni”
(Opinjoni esploratorja)
(2016/C 303/05)
Relatur: |
is-Sur Jorge PEGADO LIZ |
F’ittra tas-16 ta’ Diċembru 2015, u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-Sur Boereboom, Direttur Ġenerali mal-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi fin-Netherlands, f’isem il-Presidenza tan-Netherlands, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji Opinjoni esploratorja dwar:
“L-ekonomija kollaborattiva u l-awtoregolazzjoni”.
(opinjoni esploratorja)
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Mejju 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’133 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Wara t-talba tal-Presidenza Netherlandiża sabiex il-KESE jħejji Opinjoni esploratorja dwar “L-ekonomija kollaborattiva u l-awtoregolazzjoni” u issa li temm ħidmietu, huwa qed jippreżenta l-Opinjoni tiegħu u fformula dawn il-konklużjonijiet. |
1.2 |
Il-KESE, f’diversi Opinjonijiet tiegħu, li fuqhom tissejjes din l-Opinjoni b’mod ċar, diġà kien antiċipa diversi aspetti ta’ dan il-fenomenu fir-rigward tad-diversi ismijiet li jingħatawlu, skont il-lingwi u l-approċċi adottati. |
1.3 |
B’hekk hija meħtieġa, skont it-talba fformulata, definizzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tal-ekonomija kollaborattiva li tħaddan il-prattiki ekonomiċi li jaqgħu taħt il-kunċett tagħha u l-mod kif dak l-aġir ekonomiku u soċjali għandu jiġi rregolat bil-liġi, f’liema forom u b’liema mezzi, b’mod partikolari permezz tal-awtoregolazzjoni jew il-koregolazzjoni. |
1.4 |
Dan il-fenomenu, li ilu relevanti mill-aspett soċjali u ekonomiku sa mis-snin 2000, bl-użu tal-internet u tan-netwerks soċjali, mhuwiex aġir reċiproku fil-forma ta’ tpartit, li huwa qadim daqs il-bniedem, iżda “aġir prosoċjali mhux reċiproku”, jew b’mod aktar preċiż “l-att jew il-proċess ta’ distribuzzjoni ta’ dak li huwa tagħna lil ħaddieħor għall-użu tagħhom u/jew l-att jew il-proċess li nirċievu jew nieħdu xi ħaġa ta’ ħaddieħor għall-użu tagħna”. |
1.5 |
Aktar minn definizzjoni, li madankollu ser nippruvaw nagħtu, l-aktar ħaġa importanti hija li niddefinixxu l-karatteristiċi ta’ dan il-fenomenu, li huma:
|
1.6 |
Dawn il-karatteristiċi, appoġġjati minn kunċett relattivament kunsenswali, jagħmluha possibbli li jiġi ddefinit il-mudell ta’ dan it-tip ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u li wieħed jiddistingwi bejn l-attivitajiet li effettivament jaqgħu taħt l-ekonomija kollaborattiva u li għandhom jingħataw trattament speċjali, u dawk li xi minn daqqiet jiġu deskritti bħala tali sabiex jevitaw ir-regoli li għandhom japplikaw għalihom, bħalma nistgħu naraw fl-eżempju attwali ta’ Uber. Distinzjoni analitika iktar preċiża tal-kunċett tal-“kollaborazzjoni” u dak ibbażat fuq il-pjattaforma tista’ tikkontribwixxi għal tfassil aħjar ta’ politika u tiżviluppa regolazzjoni iżjed adatta. |
1.7 |
Minbarra li nenfasizzaw l-importanza ekonomika tal-prattiki tal-ekonomija kollaborattiva, li diġà jirrappreżentaw fatturat sinifikanti fl-Ewropa u madwar id-dinja, għandha tiġi enfasizzata wkoll id-dimensjoni soċjali u ambjentali tal-ekonomija kollaborattiva, li għandha l-potenzjal li ssaħħaħ is-solidarjetà bejn iċ-ċittadini, tagħti nifs ġdid lill-ekonomija lokali, toħloq l-impjiegi, tirrazzjonalizza l-konsum tal-unitajiet domestiċi billi tippermetti l-użu kondiviż ta’ ċerti beni, tnaqqas l-impronta enerġetika u tippromovi konsum aktar responsabbli u sostenibbli. Jingħataw eżempji rilevanti fil-punt 5.2. |
1.8 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-KESE għal darb’oħra jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq firxa sħiħa ta’ miżuri ta’ politika indispensabbli sabiex, fil-livell tal-UE u fid-diversi Stati Membri, il-forom u l-modi differenti tal-ekonomija kollaborattiva jkunu appoġġjati, implimentati, u jakkwistaw kredibbiltà u fiduċja. |
1.9 |
Huwa jenfasizza wkoll il-ħtieġa li dawn il-mudelli ta’ negozju ġodda jkunu konformi mal-leġislazzjoni applikabbli nazzjonali u dik fil-livell tal-UE u jassiguraw b’mod partikolari d-drittijiet tal-ħaddiema, tassazzjoni adegwata, protezzjoni tad-data u l-privatezza tal-parteċipanti, kompetizzjoni leali u l-ġlieda kontra l-monopolji u l-prattiki antikompetittivi, il-kontabilità tal-pjattaformi fin-negozju li jsir bejn l-imsieħba u l-ħarsien tal-legalità tal-offerti tagħhom u, fuq kollox, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-imsieħba kollha li jaħdmu fl-ekonomija kollaborattiva, inklużi l-prosumaturi, billi dawn ir-relazzjonijiet jiġu adatti fl-acquis tal-UE kollu dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, b’mod partikolari dwar klawżoli kuntrattwali inġusti, prattiki kummerċjali inġusti, is-saħħa u s-sigurtà u l-kummerċ elettroniku. |
1.10 |
B’hekk, il-KESE jidhirlu wkoll li l-UE — u naturalment l-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill taħt il-Presidenza Netherlandiża — għandhom jiddefinixxu b’mod urġenti qafas legali ċar u trasparenti li fi ħdanu dawn l-attivitajiet għandhom jiġu żviluppti u implimentati fiż-żona Ewropea, kif definit fil-punt 8.2.4. Iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tippubblika mill-iżjed fis l-Aġenda għall-Ekonomija Kollaborattiva, li tant ilha mistennija. |
1.11 |
Barra minn hekk, għandu jiġi definit b’mod ċar ir-rwol komplementari li għandhom jaqdu l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni, b’konformità mal-prinċipji u l-modalitajiet li l-KESE ilu li stabbilixxa tul is-snin f’Opinjonijiet u rapporti ta’ informazzjoni ffukati fuq dawn l-aspetti, li qegħdin jiġu affermati mill-ġdid u li huwa jqis li qed jirriproduċi f’dain l-Opinjoni. |
2. Introduzzjoni: suġġett attwali u kontroversjali
2.1 |
Il-Presidenza Netherlandiża talbet lill-KESE, permezz ta’ ittra tal-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi, iħejji Opinjoni esploratorja dwar “L-ekonomija kollaborattiva u l-awtoregolamentazzjoni”, mingħajr ma speċifikat l-ebda linja gwida u mingħajr ma fformulat l-ebda mistoqsija. |
2.2 |
L-ekonomija kollaborattiva hija suġġett ferm kontroversjali u attwali f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni u l-ambitu kunċettwali tagħha, kif ukoll fir-rigward tad-diversi kunċetti li tħaddan, il-prattiki li tintegra u l l-effetti tagħha. |
2.3 |
Hemm għadd kbir ta’ prattiki li, f’dawn l-aħħar snin, ġew attribwiti għal dan il-kunċett, u nkitbu wkoll firxa wiesgħa ta’ dokumenti differenti dwar dan is-suġġett. |
2.4 |
B’hekk mhuwiex sorprendenti li l-KESE, li dejjem jinsab attent għax-xejriet fis-soċjetà ċivili, diġà ppubblika għadd ta’ Opinjonijiet, li din l-Opinjoni tissejjes fuqhom (1) u li fiha l-filosofija ġenerali tagħhom titħaddan u tiġi żviluppata iżjed, li jantiċipaw għadd ta’aspetti ta’ dan il-fenomenu li jingħata ismijiet differenti skont id-diversi lingwi u approċċi. |
2.5 |
L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tirrispondi għat-talba tal-Presidenza Netherlandiża bili tfittex li tintlaħaq definizzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tal-ekonomija kollaborattiva li jagħmluha awtonoma kunċettwalment u l-prattiki ekonomiċi li tħaddan, u li jiġi stabbilit jekk u kif dawn il-prattiki ekonomiċi u soċjali għandhom jitħarsu bil-liġi, u b’liema forom u b’liema mezzi, b’enfasi partikolari fuq l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni. |
3. Kwistjoni ta’ attitudni fir-rigward ta’ dak li wieħed “ikollu jew ikun”
3.1 |
Il-prattiki ta’ ċerti hekk imsejħa forom ta’ ekonomija kollaborattiva jmorru lura fiż-żmien saħansitra qabel ma tnissel dan il-kunċett. Għandom l-għeruq tagħhom f’attitudni li tirrigwarda dak li wieħed ikollu jew ikun, li toħroġ fundamentalment mill-idea li “inti m’intix dak li għandek” iżda “dak li jista’ jkollok aċċess għalih”. |
3.2 |
Huwa evidenti li ċerta ekonomija kollaborattiva hija qadima daqs il-bniedem, u għandha l-għeruq tagħha fl-“ekonomija tat-tpartit” tas-soċjetajiet primittivi, li ġiet issostitwita biss bil-mod il-mod bl-introduzzjoni tal-munita li tagħti lil kull min hu fil-pussess tagħha l-poter li jixtri u b’hekk li jkollu. |
3.3 |
Madankollu, dak li jsir relevanti mill-aspett soċjali u ekonomiku, sa mis-snin 2000, bl-użu tal-internet u tan-netwerks soċjali, mhuwiex aġir reċiproku fil-forma ta’ tpartit, iżda “aġir prosoċjali mhux reċiproku”, jew b’mod aktar preċiż “l-att jew il-proċess ta’ distribuzzjoni ta’ dak li huwa tagħna lil ħaddieħor għall-użu tagħhom u/jew l-att jew il-proċess li nirċievu jew nużaw xi ħaġa ta’ ħaddieħor għall-użu tagħna”. F’dan ir-rigward, l-ekonomija kollaborattiva hija mnebbħa minn diversi kurrenti ta’ ħsieb li jvarjaw mill-aċċess liberu b’xejn u universali għat-tagħrif, sal-ekonomija tal-funzjonalità jew l-ekonomija tar-rigali (Gift Economy) li hija ffukata fuq tpartit mingħajr qligħ. Għall-kuntrarju tal-ekonomija purament ta’ tpartit, l-ekonomija kollaborattiva hi bbażata fuq skambju li jista’ jinvolvi tranżazzjoni finanzjarja jew le. |
4. Prattika ekonomikament relevanti
4.1 |
Huwa dan il-kunċett li għandu jservi ta’ bażi sabiex niddelimitaw il-qasam proprju u speċifiku tal-ekonomija kollaborattiva fid-diversi aspetti tagħha billi nispeċifikaw il-karatteristiċi li għandu jkollhom il-prattiki tagħha u li jiddistingwuhom minn prattiki ekonomiċi oħrajn tas-suq. |
4.2 |
Qabel kollox, il-karatteristika dominanti u komuni hija li din il-prattika ma twassalx għas-sjieda ta’ beni, u lanqas għal sjieda konġunta, iżda għal użu komuni (pooling); |
4.3 |
Min-naħa l-oħra, teħtieġ pjattaforma intermedjarja intermedjarja — normalment elettronika (browser jew applikazzjoni) li tpoġġi lill-persuni li jkollhom beni jew servizzi x’joffru ma’ għadd ta’ utenti. |
4.4 |
Għan komuni u karatteristika ta’ dan it-tip ta’ attività huwa l-isfruttament aħjar (idling capacity) tal-beni jew is-servizzi inkwistjoni billi dawn jinqasmu ma’ ħaddieħor. |
4.5 |
Jitqies li huwa wkoll essenzjali li f’dan il-mudell ta’ negozju l-partijiet aħħarin ikunu prinċipalment “pari” (P2P) u qatt ma jkunu relazzjonijiet kuntrattwali B2C, sew jekk ikunu persuni fiżiċi sew ġuridiċi, inklużi kumpaniji, iżda dak l-iskambju ma jkunx parti mill-għanijiet kummerċjali tagħhom (pereżempju, kumpanija tista’ taqsam ma’ oħra l-użu ta’ flotta ta’ karozzi jew serje ta’ tagħmir). Madankollu, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li jista’ jinħoloq “negozju” bejn “pari”. |
4.6 |
Il-grafika li ġejja turi d-differenzi bejn il-mudelli ta’ negozju inkwistjoni:
|
4.7 |
Dan it-tip ta’ negozju jippresupponi triangolazzjoni kuntrattwali kumplessa li ssarraf f’relazzjonijiet kuntrattwali bejn id-detentur tal-beni jew il-fornitur tas-servizz bħala l-entità li tiġġestixxi l-pjattaforma; bejn l-utent u l-intermedjarju inkarigat mit-tranżazzjoni fil-pjattaforma, possibbilment bil-ħlas; u bejn l-utenti tal-pjattaforma għall-użu inkwistjoni. |
4.8 |
Għalhekk, dawn il-karatteristiċi ma jitqisux li huma partikolarment distintivi jew speċifiċi:
|
5. Xi eżempji prattiċi ta’ x’inhuma u x’mhumiex aspetti tal-ekonomija kollaborattiva
5.1 |
Il-limitazzjonijiet imposti matul din l-Opinjoni ma jippermettux deskrizzjoni fit-tul u lanqas diskussjoni ddettaljata tan-natura ta’ firxa sħiħa u vasta ta’ sitwazzjonijiet li allegatament għandhom il-karatteristiċi ddikjarati ta’ ekonomija kollaborattiva. |
5.2 |
Iżda wħud minnhom jistħoqqilhom jissemmew b’mod speċifiku bħala eżempju tas-suġġett tal-Opinjoni: |
5.2.1 |
Fis-settur tal-akkomodazzjoni nsibu b’mod partikolari Airbnb, Rentalia, Homeaway, Couchsurfing u Bedycasa, pjattaformi fejn jirreġistraw ruħhom is-sidien ta’ proprjetajiet immobbli għall-kondiviżjoni temporanja ta’ kamra jew tad-dar kollha, waqt li huwa possibbli wkoll li hostels, guest houses u fornituri oħra ta’ akkomodazzjoni turistika joffru s-servizzi tagħhom permezz ta’ dawn il-pjattaformi. Minħabba l-faċilità li biha kwalunkwe persuna tista’ ttella’ l-proprjetà tagħha fuq dawn in-netwerks ta’ kondiviżjoni, biex b’hekk jiżdied il-qligħ li l-proprjetarji jiksbu minn din l-attività, il-proliferazzjoni tal-akkomodazzjoni f’dan is-settur wasslet għal ftehimiet dwar il-kollaborazzjoni fil-ġbir u l-ħlas tat-taxxi bejn il-pjattaformi u l-awtoritajiet tat-taxxa, b’mod partikolari f’Pariġi u Amsterdam. F’Amterdam, Barċellona, Londra u Berlin inħolqot sistema ta’ reġistrazzjoni obbligatorja għal dawn il-proprjetajiet ta’ akkomodazzjoni u regoli ta’ limitazzjoni taż-żmien, bil-għan li ma jiġix ippreġudikat il-kiri għal żmien twil u sabiex b’hekk tiġi evidata żieda fil-kirjiet. |
5.2.2 |
Fis-settur tat-trasport nistgħu nirreferu għal Blablacar, Umcoche, Liftshare u Karzoo, applikazzjonijiet li jippermettu r-reġistrazzjoni ta’ sidien ta’ vetturi privati li jkunu jridu joffru l-postijiet vojta fil-vetturi tagħhom matul il-vjaġġi tagħhom (carpooling). F’uħud minn dawn il-pjattaformi wieħed jista’ jaqsam l-ispejjeż tal-vjaġġ, iżda mhuwiex permess li jinġabru spejjeż għal finijiet ta’ qligħ. Uber, min-naħa l-oħra, huwa każ għalih, għaliex jipprovdi kemm servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ vetturi ta’ individwi privati (UberPop — ipprojbit kważi fl-UE kollha), kif ukoll jippermetti li l-utenti jitolbu s-servizz ta’ trasport bl-użu ta’ sewwieqa professjonali (Uberblack u UberX — li jista’ jitqabbel ma’ servizz tradizzjonali ta’ taksi). Il-karatteristiċi tiegħu mhumiex ċari, peress li l-mudell ta’ negozju tal-impriża mhuwiex trasparenti, u saħansitra ġie diskuss anke fil-qrati jekk is-sewwieqa ta’ Uber effettivament humiex impjegati tal-impriża (2). Dan is-servizz wassal għal dimostrazzjonijiet xi kultant vjolenti kif ukoll għal proċessi ġudizzjarji kważi fl-Ewropa kollha. L-Ingilterra u l-Estonja biss għandhom leġislazzjoni li tillegalizza dawn is-servizzi, sakemm għadha pendenti r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għad-deċiżjonijiet preliminari minn qorti f’Barċellona u ieħor fi Brussell sabiex tiġi ċċarata n-natura tagħhom (3). |
5.2.3 |
Eżempji ta’ finanzjament kollaborattiv huma l-finanzjament b’self bl-imgħax, bħal Zopa u Auxmoney; il-finanzjament ta’ kapital b’parteċipazzjoni fl-ishma tal-impriża maħluqa, bħal Fundedbyme u Crowdcube; finanzjament għal rikumpens, bħal Kickstart jew Indiegogo, u fl-aħħar, finanzjament permezz ta’ donazzjoni, mingħajr l-ebda kontroparti għall-ammonti investiti. |
6. Il-ħtieġa ta’ definizzjoni ta’ kunċett
6.1 |
Bħas-soltu, l-isforz ta’ kunċettwalizzazzjoni, b’mod partikolari meta l-metodu jkun induttiv, mhuwiex lineari, u b’hekk irid jgħaddi ż-żmien sabiex il-kunċett joqgħod u jakkwista fehim unanimu. Dan huwa dak li qed iseħħ bil-kunċett ta’ “ekonomija kollaborattiva”, li jidher fil-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, flimkien ma’ kunċetti oħrajn, bħal “ekonomija soċjali jew inklużiva”, “ekonomija ċirkolari”, “ekonomija funzjonali”, “ekonomija ekoloġika”, “ekonomija blu”, “ekonomija tas-soluzzjonijiet”, “ekonomija orizzontali”, “ekonomija on demand”, “ekonomija tal-pjattaformi” u “gig economy”. |
6.2 |
Minħabba f’hekk, xi awturi jippreferu li lanqas biss jippruvaw jagħtu definizzjoni għaliex jibżgħu li din ma tkunx komprensiva biżżejjed jew, għall-kuntrarju, li ma tiddefinixxix sew l-ambitu ta’ dan il-kunċett. |
6.3 |
Minkejja għadd kbir ta’ referenzi għal dan il-kunċett, fl-Opinjonijiet tal-KESE qatt ma sar tentattiv li tingħata definizzjoni; bl-istess mod, fl-Opinjoni tal-KtR (4), għalkemm sar tentattiv ta’ klassifikazzjoni f’żewġ kategoriji prinċipali u erba’ forom, xorta waħda ma tteħidx ir-riskju li tingħata definizzjoni; finalment, il-Kummissjoni, f’Komunikazzjoni reċenti tagħha — “Intejbu s-Suq Uniku” (5), l-ewwel tuża t-terminu “ekonomija kollaborattiva”, li jitqies bħala sinonimu, iżda minflok tagħti definizzjoni tillimita ruħha li telenka l-benefiċċji għal uħud mill-partijiet interessati (konsumaturi, ħaddiema) u tiffoka fuq l-effetti tagħha fil-livell ta’ produttività u sostenibbiltà, waqt li twiegħed għall-2016 “Aġenda Ewropea għall-Ekonomija Kollaborattiva”. Min-naħa tal-PE, s’issa għadu ma ta ebda kontribut sostanzjali lil hinn mir-Riżoluzzjoni tal-21 ta’ Diċembru 2015“Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali” (6), xi ftit studji ta’ kwalità għolja u xi briefings dwar kwistjonijiet speċifiċi. S’issa, madankollu, f’ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma sar studju tal-impatt mil-lat ta’ ħolqien ta’ impjieg u tkabbir. |
6.4 |
Ma jidhrilniex li għandna għalfejn inkunu oriġinali dwar dan is-suġġett meta, mid-diversi definizzjonijiet li ngħataw, jirriżulta li hemm kunsens wiesa’: b’hekk adotta d-definizzjoni ta’ ekonomija kollaborattiva ta’ Botsman & Rogers, li jgħidu li hija sistema ekonomika bbażata fuq il-kondiviżjoni ta’ beni jew servizzi li ma jintużawx biżżejjed, b’xejn jew bi prezz, direttament mingħand individwi, permezz ta’ pjattaformi onlajn, għalkemm segregazzjoni analitika aktar preċiża ta’ x’inhi “kondiviżjoni”, jiġifieri “mhux bi qligħ”, u li tkun ibbażata fuq pjattaforma, tista’ twassal għal deċiżjoni politika aħjar u regolazzjoni aktar adegwata. |
6.5 |
Din id-definizzjoni hija wiesgħa biżżejjed biex tinkludi oqsma varjati bħall-produzjoni, il-konsum, il-finanzjament (crowdfunding) jew it-tagħrif u tippermetti li tiġi maqsuma f’erba’ oqsma b’xi ftit awtonomija: il-konsum kollaborattiv; l-edukazzjoni, taħriġ u tagħrif kollaborattivi; il-finanzjament kollaborattiv; u l-produzzjoni kollaborattiva (7). |
6.6 |
Din id-definizzjoni tippermetti wkoll li ssir distinzjoni bejn mudelli ta’ negozju li, taħt il-kappa ta’ ekonomija kollaborattiva, fir-realtà jkunu negozji bl-iskop uniku ta’ qligħ u li jirrappreżentaw mudelli B2C. Din il-konklużjoni tista’ tiġi inferita mill-mod kif jiffunzjonaw dawn il-pjattaformi (għalkemm mhux dejjem huma trasparenti), u nistgħu niltaqgħu ma’ każijiet ta’ ekomomija vera kollaborattiva fejn ir-relazzjoni stabbilita permezz tal-pjattaforma tkun P2P, u l-uniku rwol tal-pjattaforma jkun biex tiffaċilita l-kuntatt bejn il-pari, iżda wkoll eżempji ta’ impriżi li, taħt l-apparenza ta’ pjattaforma P2P, jintervjenu b’dak il-mod fin-negozju, billi jirċievu kummissjonijiet, billi jkunu d-destinatarji ta’ ħlasijiet, jipprovdu servizzi anċillari, biex b’hekk ma jkollhomx jitqiesu bħala ekonomija kollaborattiva, iżda bħala fornituri ta’ servizzi B2C, bil-konsegwenzi li din iġġib magħha. |
6.7 |
Min-naħa l-oħra, dan il-kuntest jippermetti li jiġu eliminati minnufih mill-kunċett ta’ ekonomija kollaborattiva ċerti tipi ta’ manifestazzjonijiet li jasserixxu li jaqgħu taħtha, bħal mhuma b’mod partikolari:
|
7. Il-fenomenu li qiegħed jikber ta’ soljiev ekonomiku u xi għażliet politiċi li għandhom jiżviluppaw
7.1 |
Minkejja n-nuqqas ta’ definizzjoni ċara tal-ambitu tagħha, twettqu bosta studji u stħarriġ sabiex jiġi ddeterminat is-sinifikat ekonomiku ta’ dan il-fenomenu fil-livell tal-UE u dak dinji. |
7.2 |
Huwa assolutament inkontestabbli li f’dawn l-aħħar snin, u b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi, u b’risposta għaliha, l-inizjattivi ta’ ekonomija kollaborattiva ma waqfux jiżdiedu; jidhru aktar minn 1 000 inizjattiva fis-sit web www.collaborativeconsumption.com |
7.3 |
Skont stimi użati mill-Kummissjoni Ewropea, il-volum ta’ negozju dinji li jinħeba taħt l-isem ta’ ekonomija kollaborattiva ammonta għal USD 3,5 biljun fl-2013, li jirrappreżenta żieda annwali ta’ 25 %. Attwalment, diġà tela’ għal USD 20 biljun. Il-previżjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istudji ta’ PwC juru tkabbir qawwi ferm sal-2025 (8). |
7.4 |
Apparti li toħloq valur ekonomiku, l-ekonomija kollaborattiva, fid-dimensjoni soċjali u ambjentali tagħha, għandha l-potenzjal li ssaħħaħ is-solidarjetà bejn iċ-ċittadini, tagħti nifs ġdid lill-ekonomija lokali, toħloq l-impjieg, tirrazzjonalizza l-konsum tal-unitajiet domestiċi billi tippermetti l-użu reċiproku ta’ ċerti beni, tnaqqas l-impronta enerġetika u tippromovi konsum aktar responsabbli u sostenibbli. |
7.5 |
Il-KESE jemmen li dan it-tip ta’ ekonomija “jikkomplementa, b’mod innovattiv u b’mod vantaġġuż mil-lat ekonomiku, soċjali u ekoloġiku, l-ekonomija produttiva” u “Barra minn hekk joffri soluzzjoni għall-kriżi ekonomika u finanzjarja” (9). |
7.6 |
Għaldaqstant, il-KESE ma qagħad lura milli jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twettaq firxa sħiħa ta’ miżuri indispensabbli ta’ natura politika sabiex, fil-livell tal-UE u fid-diversi Stati Membri, il-bosta forom u modalitajiet tal-ekonomija kollaborattiva jkunu appoġġjati, implimentati, u jiksbu kredibbiltà u fiduċja. Din l-Opinjoni ma tistax ħlief li ttenni l-fehmiet li l-KESE diġà adotta dqwar dawn il-kwistjonijiet u li jirreferi għalihom b’mod espliċitu. Għalhekk huwa tal-fehma li l-mudelli ġodda ta’ negozju bħall-pjattaformi joħolqu kwistjonijiet urġenti li jolqtu l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali, l-iżgurar tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-iżgurar ta’ tassazzjoni adegwata, fost affarijiet oħrajn. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tindirizza dawn il-preokkupazzjonijiet jekk, fil-fatt, il-benefiċċji soċjali ta’ dawn il-mudelli ta’ negozju għandhom jiġu kkonkretizzati. |
7.7 |
Huwa importanti wkoll li jiġu mfakkra b’urġenza d-definizzjonijiet, orjentazzjonijiet jew linji gwida f’livell Ewropew, għaliex xi Stati Membri diġà bdew jantiċipaw individwalment id-definizzjoni tal-politiki tagħhom stess, minħabba d-dewmien u l-inċertezza apparenti tal-istituzzjonijiet Ewropej. |
8. Attività mħarsa bil-liġi
8.1 L-interessi inkwistjoni u l-ħarsien ġuridiku tagħhom
8.1.1 |
Bħal kwalunkwe attività oħra li tpoġġi f’relazzjoni persuni bl-interessi proprji tagħhom li possibbilment ikunu konfliġġenti, l-ekonomija kollaborattiva taqa’ taħt il-liġi u r-regolazzjoni tal-interessi inkwistjoni. B’hekk il-KESE huwa tal-fehma li mhijiex serja l-pożizzjoni ta’ dawk li jasserixxu li l-ekonomija kollaborattiva għandha tkun parti mill-ambitu ta’ “ebda liġi”, fejn il-libertà għandha tirrenja fuq kwalunkwe ostaklu jew restrizzjoni, esklużivament fuq il-bażi ta’ fiduċja u tjubija naturali (fix-xbiha tas-“selvaġġ nobbli” ta’ Rousseau). |
8.1.2 |
Il-KESE ddefinixxa, b’mod kostanti u konsistenti, li kwalunkwe attività ekonomika għandha tkun irregolata bil-liġi; min-naħa l-oħra, huwa ddikjara wkoll li dik ir-regolazzjoni tista’ tkun ta’ diversi tipi, u li għandha tiġi fformulata b’mod armonjuż. |
8.1.3 |
B’mod partikolari, nirreferu għall-aktar Opinjoni reċenti tiegħu dwar ir-rwol tal-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni fl-UE (10), li fiha l-Kumitat iddikjara b’mod partikolari li “L-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni huma mekkaniżmi, spontanji jew imposti, għar-regolazzjoni tal-interessi ekonomiċi u soċjali u l-prattiki kummerċjali tal-operaturi ekonomiċi differenti”. Għandhom jitqiesu bħala strumenti importanti komplementari jew supplimentari, iżda qatt bħala alternattivi, ta’ eteroregolazzjoni (hard law), u sabiex ikunu validi “il-konfigurazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom iridu jkunu definiti minn dispożizzjonijiet espressi u espliċiti tal-liġi vinkolanti, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jirrispettaw in-natura ta' dawn l-istrumenti, b’mod partikolari l-ftehim volontarju tal-parteċipanti”. |
8.2 Drittijiet u obbligi
8.2.1 |
Tabilħaqq, mill-mument li prattiki purament spontanji bejn individwi jaqgħu taħt l-ambitu ta’ attività ekonomika, id-drittijiet u l-obbligi reċiproki tal-partijiet isiru ta’ natura kuntrattwali, u konsegwentement ikollhom jiġu ssoġġettati għal leġislazzjoni nazzjonali jew Ewropea, li tinkwadra legalment id-drittijiet u l-obbligi ta’ kull parti. |
8.2.2 |
Il-kumplessità tar-relazzjonijiet ikkonċernati b’dan il-fenomenu, u kif deskritt fil-punt 4.7, hija tali li tiġġustifika definizzjoni ta’ qafas legali li fih għandhom jaġixxu l-partijiet ikkonċernati, prinċipalment meta dawk l-attivitajiet ikunu ta’ natura ibrida, bħalma huwa l-każ ta’ freemium jew donationware, kif jirriżulta b’mod ċar fil-każ tipiku ta’ geocaching. |
8.2.3 |
Inkwantu dan il-fenomenu llum il-ġurnata b’mod ċar imur lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri, l-UE għandha tiddefinixxi, permezz tal-ispazju komuni u integrat tagħha ta’ suq kbir uniku, il-qafas ġuridiku applikabbli dejjem jekk dawk l-attivitajiet jitwettqu fuq bażi transkonfinali. Dan in-nuqqas diġà qiegħed jagħti lok għal għadd ta’ pożizzjonijiet separati u kontradittorji f’diversi Stati Membri fir-rigward ta’ ċerti każijiet konkreti (eż. Uber), b’mod simili għal dak li qiegħed iseħħ ukoll fl-Istati Uniti. |
8.2.4 |
Dan il-qafas ġuridiku jqajjem b’mod partikolari żewġ oqsma prijoritarji:
|
8.3 Forom ta’ regolazzjoni
8.3.1 |
Fil-livell tal-UE, li huwa l-uniku wieħed relevanti għal din l-opinjoni, il-KESE jidhirlu li għandu jkun l-objettiv tal-istituzzjonijiet tagħha, qabel kollox il-Kummissjoni minħabba s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha, iżda wkoll il-Kunsill u l-PE, li tiddedika attenzjoni speċjali u urġenti sabiex tadotta qafas regolatorju li jiddefinixxi bi preċiżjoni l-ambitu ta’ applikazzjoni u l-parametri li fi ħdanhom għandha titwettaq dik l-attività, peress li l-miżuri għandhom jiġu aġġustati għal tipi differenti tal-ekonomija kollaborattiva. |
8.3.2 |
Fi ħdan dan il-qafas għandu jkun hemm il-prinċipji komuni ta’ interess pubbliku u ta’ ordni pubbliku li għandhom jitqiesu bħala obbligatorji għall-parteċipanti f’dawn il-forom ta’ attività ekonomika u b’mod partikolari dawk imsemmija f’punt 8.2.4. |
8.3.3 |
Iżda kif qal minn dejjem il-KESE, fl-istess ħin u b’mod parallel, hemm spazju sħiħ li għandu jitħalla għall-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni, li saħansitra fil-fehma tiegħu huwa każ tipiku ta’ dak li wħud diġà jsejħu “shared regulation”, kif argumentat reċentement ir-Royal Society for the encouragement of Arts, Manufactures and Commerce, RSA HOUSE, Londra, jew il-mudell tal-Kodiċi ta’ Kondotta mħejji minn Sharing Economy UK (SEUK) (12). |
8.4 Rwol speċjali għall-awtoregolazzjoni
8.4.1 |
Il-KESE minn dejjem kien tal-fehma li l-istituzzjonijiet tal-UE jew l-awtoritajiet nazzjonali qatt m’għandhom jiddefinixxu l-kontenut tal-kodiċijiet ta’ awtoregolazzjoni, li għandhom jitħallew għal-libertà sħiħa tal-partijiet, meta dawn ma jkollhomx l-għan li jiksbu rikonoxximent vinkolanti bejn il-partijiet. |
8.4.2 |
Madankollu, safejn ikun meħtieġ li dawn il-ftehimiet ikunu rikonoxxuti “bħala strument sekondarju ta’ regolazzjoni fis-sistema legali inkwistjoni”, il-KESE argumenta, fl-Opinjoni tiegħu msemmija qabel, li l-UE “għandha tiddefinixxi biċ-ċar il-parametri li fuqhom jissejsu r-rikonoxximent tagħhom[i.e. l-istrumenti regolatorji] u l-prinċipji li għandhom jirrispettaw, kif ukoll il-limiti tagħhom”. Dan ir-raġunament japplika għalkollox fil-każ tal-ekonomija kollaborattiva, li ma għandhiex tkun eċċezzjoni. |
8.4.3 |
Il-Kumitat jiddispjaċih li l-Ftehim Istituzzjonali l-ġdid bejn il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni, approvat fit-13 ta’ April 2016, ma wassalx għal titjib fi ħdan dawn l-istituzzjonijiet fir-rigward ta’ dak li huwa talab fl-Opinjoni tiegħu msemmija dwar l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni (SRCR), inkwantu din il-kwistjoni kienet tinsab fil-ftehim preċedenti u s-suġġett tal-SRCR issa huwa limitat għal referenza vaga fil-Komunikazzjoni dwar Pakkett ta’ Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (“Better Regulation”) li jirreferi għal nota f’qiegħ il-paġna li fiha huma stabbiliti l-prinċipji għal użu aħjar tal-SRCR u għall-pjattaforma CoP, kif ukoll ftit referenzi sparpaljati fil-“Guidelines” u t-“Toolbox”. |
8.4.4 |
Jekk hemm qasam wieħed fejn, sabiex jinkisbu l-kredibbiltà u fl-iduċja tal-utenti tiegħu, id-definizzjoni tal-parametri stipulati hawn fuq hija meħtieġa dejjem iżjed, dan huwa mingħajr dubju dak tal-ekonomija kollaborattiva, li għandha tibbenefika sew minn arkitettura soda ta’ qafas responsabbli ta’ awtoregolazzjoni jew koregolazzjoni f’livell Ewropew. |
8.4.5 |
Il-KESE għalhekk jistenna wkoll b’ħerqa l-“Aġenda Ewropea għall-Ekonomija Kollaborattiva” li tħabbret, u minn issa jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tinjorax l-aspetti regolatorji ta’ din l-attività u r-rwol li għandhom jaqdu l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni f’dan il-qasam. |
Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) ĠU C 177, 11.6.2014, p. 1.
(2) http://www.theguardian.com/technology/2015/sep/11/uber-driver-employee-ruling
(3) ĠU C 363, 3.11.2015, p. 21 u ĠU C 429, 21.12.2015, p. 9.
(4) ĠU C 51, 10.2.2016, p. 28.
(5) COM(2015) 550 final, p. 4.
(6) A8-0371/2015.
(7) http://www.euro-freelancers.eu/marco-torregrossa-presentation-on-the-sharing-economy-2/
(8) http://www.cpcp.be/medias/pdfs/publications/economie_collaborative.pdf
(9) ĠU C 177, 11.6.2014, p. 1.
(10) ĠU C 291, 4.9.2015, p. 29.
(11) http://www.iddri.org/Evenements/Interventions/ST0314_DD ASN_sharing economy.pdf
(12) http://www.sharingeconomyuk.com
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/45 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “REFIT”
(Opinjoni esploratorja)
(2016/C 303/06)
Relatur: |
Denis MEYNENT |
Nhar it-13 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“REFIT”
(Opinjoni esploratorja).
Is-sottokumitat “REFIT”, imwaqqaf skont l-Artikolu 19 tar-Regoli ta’ Proċedura, u inkarigat sabiex jipprepara l-ħidma dwar is-suġġett, adotta l-abbozz ta’ Opinjoni tiegħu nhar id-19 ta’ April 2016 b’unanimità.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta' Mejju 2016 (seduta tas-26 ta' Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'185 vot favur, 4 voti kontra u 8 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat ifakkar li l-għan ewlieni tal-programm REFIT (1) huwa t-titjib tal-kwalità u l-effiċjenza tal-leġislazzjoni Ewropea u l-iżvilupp ta’ regolamenti sempliċi, li jinftiehmu u li jkunu konsistenti, mingħajr ma jiġu kompromessi l-għanijiet strateġiċi stabbiliti u mingħajr ma jittieħdu azzjonijiet li jagħmlu ħsara lill-protezzjoni taċ-ċittadini, tal-konsumaturi, tal-ħaddiema u tad-djalogu soċjali, jew tal-ambjent. |
1.2 |
Ir-regolamentazzjoni Ewropea hija fattur ta’ integrazzjoni essenzjali li ma tikkostitwixxix piż jew spiża li jridu jitnaqqsu. Jekk tkun proporzjonata kif xieraq, għall-kuntrarju hija garanzija ta’ protezzjoni, ta’ promozzjoni u ta’ sigurtà legali importanti għall-atturi u ċ-ċittadini Eworpej kollha. |
1.3 |
Il-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ kull proposta leġislattiva jridu jkunu integrati u jagħtu lid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, inklużi dawk għall-SMEs, l-importanza kollha li jistħoqqilhom. Il-Kumitat jitlob li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea jirnexxilhom jaqblu dwar metodoloġija komuni dwar il-valutazzjoni tal-impatt, li tista’ tispira wkoll lill-Kumitat u lill-Kumitat tar-Reġjuni (KtR). |
1.4 |
Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika kif ukoll il-konsultazzjoni mal-esperti u mal-partijiet interessati għandhom ikunu miftuħa kemm jista’ jkun, iżda m’għandhomx jieħdu post il-konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali u mal-Kumitat. |
1.5 |
Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi fit-tabella ta’ valutazzjoni tagħha valutazzjoni annwali tal-ispejjeż u l-benefiċċji ewlenin tal-miżuri tal-programm REFIT, kemm fil-livell ta’ kwantità kif ukoll ta’ kwalità, inkluż fir-rigward tal-livell u l-kwalità tal-impjieg, il-protezzjoni soċjali u ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumaturi. |
1.6 |
Il-proċess tad-deċiżjonijiet għandu jkun fluwidu u rilevanti kemm jista’ jkun. Il-korpi u l-filtri kollha stabbiliti biex jivverifikaw il-korettezza tagħhom ma jistgħux imorru kontra d-deċiżjoni politika, li għandha tibqa’ sovrana. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tiġi miġġielda l-burokrazija tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. |
1.7 |
Il-Kumitat jieħu nota tal-istabbiliment tal-pjattaforma REFIT, li b’mod partikolari ngħatat il-mandat li taħdem favur leġislazzjoni iżjed effiċjenti u regoli amministrattivi iżjed sempliċi. Huwa jenfasizza li din għandha tillimita ruħha għall-eżami limitat ta’ għadd ta’ temi u ma tistax tieħu post il-koleġislaturi jew il-konsultazzjonijiet obbligatorji tal-Kumitat, peress li l-ħidma tiegħu hija ta’ natura differenti, u tal-imsieħba soċjali previsti mit-Trattati. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika l-kriterji ta’ preselezzjoni tas-suġġerimenti indirizzati lill-pjattaforma, tissorvelja l-bilanċ tagħhom u tiċċara l-azzjonijiet li jittieħdu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-pjattaforma, b’mod li tinħoloq traċċabbiltà tal-influwenzi. |
1.8 |
F’dak li jirrigwarda r-rappreżentattività tal-pjattaforma REFIT, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-għoti ta’ żewġ siġġijiet addizzjonali jippermettulu jirrispetta bis-sħiħ in-natura tal-mandat tiegħu u li b’hekk jirrifletti s-soċjetà ċivili li huwa inkarigat li jirrappreżenta. Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota n-nuqqas ta’ rappreżentanza pan-Ewropea tal-mikrointrapriżi, u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju fil-“grupp tal-partijiet interessati” tal-pjattaforma u jitlob li dan jiġi rimedjat mill-aktar fis possibbli. |
1.9 |
Il-Kumitat, li għandu l-vantaġġi ta’ kuntatt dirett mar-realtà fuq il-post u jibbenefika minn netwerk kbir ta’ organizzazzjonijiet fuq livell nazzjonali, u mill-għarfien tal-membri tiegħu, jinsab f’pożizzjoni tajba biex jagħti kontribut sostanzjali għal din l-attività ta’ valutazzjoni tal-impatt li ssir fil-livell Ewropew. Huwa għandu l-għan li jagħti prijorità lill-valutazzjonijiet ex post u kwalitattivi, sabiex ikun jista’ jiġi identifikat l-impatt ta’ intervent leġislattiv jew ta’ politika Ewropea u dak li ħassew l-imsieħba ekonomiċi u soċjali Ewropej. |
1.10 |
Fil-każ tat-traspożizzjoni ta’ ċerti direttivi, il-Kumitat jixtieq jagħti kontribut speċifiku lir-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport annwali tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE mill-Istati Membri billi jimmira fuq iż-żidiet li saru mill-Istat Membri waqt it-traspożizzjoni. |
1.11 |
Il-Kumitat jappella biex il-programm REFIT ikun eżerċizzju li jaħdem fiż-żewġ direzzjonijiet, jiġifieri li ma jantiċipax, a priori, id-direzzjoni li għandu jingħata r-regolament: żieda, suppliment, emenda jew tħassir ta’ att leġislattiv. |
1.12 |
Il-Kumitat ma jistax jaċċetta li jinvolvi ruħu f’eżerċizzju ta’ għanijiet immirati ta’ tnaqqis tal-acquis tal-UE fuq bażi kwantitattiva mingħajr ma jqis minn qabel il-konsegwenzi kollha fuq il-protezzjoni soċjali u ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumaturi. |
1.13 |
Il-Kumitat huwa favur valutazzjoni ex post aktar stretta tal-effetti tar-regolamentazzjoni tal-UE fil-kuntest taċ-ċiklu politiku tal-UE, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi mistennija fuq it-tkabbir u l-impjieg indikati fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta leġislattiva inizjali. Il-valutazzjonijiet ex post għandhom isiru b’mod pluralistiku wara perjodu ta’ żmien raġonevoli wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali. |
2. Kummenti ġenerali
2.1 |
Il-Kumitat ifakkar li l-leġislazzjoni hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat kif ukoll biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, għall-benefiċċju taċ-ċittadini, tal-kumpaniji u tal-ħaddiema (2). Ir-regolamentazzjoni tgħin ukoll fit-titjib tal-benesseri, fil-ħarsien tal-interess ġenerali u tad-drittijiet fundamentali, fil-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali u fl-iżgurar taċ-ċertezza u l-prevedibbiltà ġuridika. Hija għandha timpedixxi d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u d-dumping soċjali. |
2.2 |
Il-Kumitat huwa sodisfatt, għalhekk, li l-viċi-President ripetutament fakkar li l-programm REFIT ma setax iwassal għal deregolamentazzjoni tal-acquis tal-UE u lanqas ikollu l-effett li jnaqqas il-livell tal-protezzjoni soċjali, il-protezzjoni tal-ambjent u tad-drittijiet fundamentali (3). |
2.3 |
Il-Kumitat iqis li r-regolamentazzjoni toħloq spejjeż u piżijiet amministrattivi, li jistgħu jkunu kbar jew bla bżonn, iżda wkoll benefiċċji sostanzjali għaċ-ċittadini, l-impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi. Huwa jfakkar li r-regolamentazzjoni intelliġenti għandha dejjem tfittex li tilħaq valur miżjud reali. Kull fejn possibbli, ir-regoli tal-UE jridu jneħħu l-piż mhux joħolqu piż ieħor. |
2.4 |
Il-Kumitat iqis li t-“Regolamentazzjoni Aħjar” għandu jiffavorixxi r-risposta l-aktar adegwata biex tiġi approfondita l-kisba tas-suq intern tal-UE: armonizzazzjoni mmirata, applikazzjoni rilevanti tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fl-oqsma mhux armonizzati, koregolazzjoni, awtoregolazzjoni u standardizzazzjoni. Il-Kumitat ifakkar f’dan ir-rigward li armonizzazzjoni mmirata u intelliġenti tal-leġislazzjonijiet tikkontribwixxi biex jitneħħew l-ostakli għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Għall-intrapriżi u ċ-ċittadini tal-UE, l-armonizzazzjoni tat-28 leġislazzjoni nazzjonali hija, sors importanti ta’ semplifikazzjoni u ta’ tnaqqis ta’ piż regolatorju u amministrattiv. |
2.5 |
Il-Kumitat ifakkar li l-għan ewlieni tal-programm REFIT huwa t-titjib tal-kwalità u l-effiċjenza tal-leġislazzjoni Ewropea u l-iżvilupp ta’ regolamenti sempliċi, li jinftiehmu u li jkunu konsistenti, mingħajr ma jiġu kompromessi l-għanijiet strateġiċi stabbiliti u mingħajr ma jittieħdu azzjonijiet li jagħmlu ħsara lill-protezzjoni taċ-ċittadini, tal-konsumaturi, tal-ħaddiema u tad-djalogu soċjali, jew tal-ambjent. |
2.6 |
Il-Kumitat ifakkar f’dan ir-rigward l-impenn tiegħu li jiżgura li l-leġislazzjoni kkunsidrata u l-piż marbut magħha jkunu utli, li joħolqu benefiċċji finali akbar mill-ispejjeż li jiġġeneraw u li l-leġislazzjoni tkun proporzjonata u tiżgura ċertezza legali suffiċjenti. |
2.7 Fil-livell tal-valutazzjoni tal-impatt
2.7.1 |
Il-Kumitat jieħu nota tal-iffirmar tal-ftehim interistituzzjonali “Regolamentazzjoni Aħjar” li sar bejn it-tliet istituzzjonijiet fit-13 ta’ April 2016. |
2.7.2 |
Il-Kumitat jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li t-tliet istituzzjonijiet irrikonoxxew li s-sistema ta’ valutazzjoni tal-impatt hija għodda li għandha tgħinhom jaslu għal deċiżjonijiet infurmati tajjeb, u li ma tiħux post id-deċiżjonijiet politiċi (4). |
2.7.3 |
Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tinkludi fil-kuntest tal-valutazzjonijiet tal-impatt integrati, bilanċjati u pluralisti tagħha soluzzjonijiet alternattivi li jirrigwarda l-ispiża tan-nuqqas ta’ Ewropa u l-impatt fuq il-kompetittività tad-diversi għażliet, iżda wkoll l-impatt tal-proposti fuq l-SMEs u l-mikrointrapriżi kif ukoll id-dimensjoni diġitali u territorjali (5). |
2.7.4 |
Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tiffinalizza l-valutazzjoni tal-impatt tagħha fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, iżda jiddispjaċih li kull istituzzjoni tiddetermina waħedha l-mod kif torganizza l-ħidma ta’ valutazzjoni tagħha. Il-Kumitat jitlob li t-tliet istituzzjonijiet jirnexxilhom jaqblu dwar metodoloġija komuni dwar il-valutazzjoni tal-impatt, li tista’ tispira wkoll lill-KESE u lill-KtR biex jibbażaw l-emendi tagħhom fuqhom. |
2.7.5 |
Mill-aspett tal-Kumitat, il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom isiru fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej. Madankollu, meta jkun hemm ħsieb li jintużaw konsulenti privati, għal raġunijiet speċifiċi, il-Kumitat jinsisti li:
|
2.8 Fil-livell tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati
2.8.1 |
Il-Kumitat iqis li l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u tal-esperti mgħandhiex tieħu post la l-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, mal-Kumitat u mal-Kumitat tar-Reġjuni, li jseħħu f’mumenti preċiżi ħafna taċ-ċiklu leġislattiv u fil-limiti stabbiliti mit-TFUE, u lanqas il-konsultazzjonijiet li jeżistu fil-livell nazzjonali, li għandhom jissejsu fuq parteċipazzjoni msaħħa tal-imsieħba soċjali. Huwa jenfasizza li l-immappjar adatt tal-partijiet interessati huwa essenzjali għal rappreżentattività tajba tal-atturi u għal proċedura ta’ konsultazzjoni ta’ kwalità, u jistieden lill-Kummissjoni biex tibbaża fuq ir-reġistru tat-trasparenza biex tagħmel dan. |
2.8.2 |
Il-Kumitat jitlob li l-konsultazzjoni ssir mingħajr preġudizzju għad-djalogu ċivili strutturat (l-Artikolu 11(2) tat-TFUE) jew tal-konsultazzjonijiet li jsiru f'kuntesti speċifiċi, bħall-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-qafas tad-djalogu soċjali (l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u t-trejdjunjins (l-Artikolu 154 tat-TFUE) jew il-konsultazzjoni tal-korpi konsultattivi bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (l-Artikolu 304 tat-TFUE). |
2.8.3 |
Il-Kumitat jenfasizza li għandu jiġi żgurat tqassim tajjeb, ġeografiku jew skont il-grupp fil-mira, b’attenzjoni partikolari fuq il-gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed, fl-“immappjar tal-partijiet interessati”. Għandu jiġi applikat mekkaniżmu ta’ peżar ġustifikat fil-kuntest tal-analiżi tar-risposti għall-konsultazzjonijiet (6). |
2.9 Fil-livell tal-programm REFIT
2.9.1 |
Il-Kumitat jinnota l-għanijiet ġenerali tal-programm REFIT imfassal mill-Kummissjoni, u jiġbed l-attenzjoni għall-opinjonijiet tiegħu (7) li jkopru l-programm dwar ir-“Regolamentazzjoni Aħjar” u r-“Regolamentazzjoni Intelliġenti”. Skont il-Kumitat, regolamentazzjoni intelliġenti ma tfissirx li jitwarrbu r-regolamenti dwar il-protezzjoni taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, ir-regoli dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u r-regoli ambjentali, u ma jistax ikollha l-effett li tostakola t-titjib. Din għandha tirrispetta wkoll id-dimensjoni soċjali tas-suq intern kif previst mit-Trattat, speċjalment fil-livell ta’ traspożizzjoni tal-ftehimiet innegozjati fil-qafas tad-djalogu soċjali Ewropew. |
2.9.2 |
Il-Kumitat jinnota li l-Kummissjoni tipprova ttejjeb il-proċess u l-kwalità tal-għodod maħsuba biex jiżguraw l-aħjar monitoraġġ tal-implimentazzjoni. |
2.9.3 |
Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi fit-tabella ta’ valutazzjoni tagħha valutazzjoni annwali tal-ispejjeż u l-benefiċċji ewlenin tal-miżuri tal-programm REFIT, kemm fil-livell ta’ kwantità kif ukoll ta’ kwalità, inkluż fir-rigward tal-livell u l-kwalità tal-impjieg, il-protezzjoni soċjali u ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumaturi. |
2.9.4 |
Il-Kumitat jispeċifika li t-titjib tar-regolamentazzjoni ma jistax u mgħandux jissostitwixxi deċiżjonijiet politiċi. |
2.10 Il-Pjattaforma REFIT
2.10.1 |
Il-Kumitat jieħu nota tal-istabbiliment tal-pjattaforma REFIT li fiha jipparteċipa, li għandha tanalizza l-proposti li għandhom l-għan li jnaqqsu l-piż amministrattiv u regolatorju bla bżonn u li jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea fl-Istati Membri. Huwa jinnota li l-oqsma tad-djalogu soċjali u tal-kompetenza tal-imsieħba soċjali tneħħew mill-attribuzzjonijiet tal-pjattaforma. |
2.10.2 |
Madankollu l-Kumitat jinnota li l-pjattaforma għandha:
|
2.10.3 |
Il-Kumitat jistenna wkoll li:
|
2.10.4 |
Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għadd kbir ta’ parteċipanti f’din il-pjattaforma, in-natura differenti ħafna tal-partijiet interessati (Stati Membri, imsieħba soċjali, NGOs, membri tas-soċjetà ċivili), il-kamp wiesa’ ferm tas-suġġetti fuq l-aġenda kif ukoll il-frekwenza limitata ta’ laqgħat ma jistgħux jiġġeneraw diskussjonijiet fil-fond dwar is-suġġerimenti indirizzati mill-pjattaforma. |
2.11 Fil-livell tar-rappreżentattività tal-pjattaforma REFIT
2.11.1 |
Il-Kumitat jenfasizza f'dan ir-rigward li għandu biss siġġu wieħed u li jipparteċipa fix-xogħol abbażi ta’ rotazzjoni bejn it-tliet gruppi tiegħu meta huwa istituzzjoni stabbilita mit-Trattati li tirrappreżenta d-diversità tal-UE. |
2.11.2 |
Għaldaqstant il-Kumitat huwa tal-fehma li l-għoti ta’ żewġ siġġijiet oħra jagħmilha possibbli li tiġi rispettata n-natura tripartitika tal-istituzzjoni u l-mandat tagħha, u għaldaqstant tkun tista’ tiġi riflessa s-soċjetà ċivili li huwa inkarigat li jirrappreżenta. |
2.11.3 |
Il-Kumitat jinnota n-nuqqas ta’ rappreżentanza pan-Ewropea tal-mikrointrapriżi, u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju fil-“grupp tal-partijiet interessati” tal-pjattaforma u jitlob li dan jiġi rimedjat mill-aktar fis possibbli. |
2.12 Rigward il-funzjonament tal-pjattaforma
2.12.1 |
Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni:
|
3. Kummenti sekondarji
3.1 Il-valutazzjoni tal-politiki tal-UE
3.1.1 |
Il-Kumitat ifakkar li għandu għandu jitqies bħala sieħeb istituzzjonali separat u mhux bħala sub-kategorija tal-partijiet interessati b’interessi multipli, diversi u kontradittorji. |
3.1.2 |
Il-Kumitat ifakkar li peress li għandu l-vantaġġ ta’ kuntatt dirett mar-realtà fuq il-post, u billi jibbenefika minn netwerk kbir ta’ organizzazzjonijiet fuq livell nazzjonali, u l-għarfien tal-membri tiegħu, jinsab f’pożizzjoni tajba biex jagħti kontribut sostanzjali għal din l-attività ta’ valutazzjoni tal-impatt. |
3.1.3 |
Il-Kumitat jenfasizza li din l-attività ta’ valutazzjoni għandha ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tiegħu mad-diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tippermettilu jsaħħaħ dan ir-rwol tiegħu ta’ pont bejn l-istituzzjonijiet u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. |
3.1.4 |
Il-KESE jispeċifika li din il-valutazzjoni li ser jagħmel ser tkun espressa fil-forma ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-politika u li dawn sejrin juru l-impatti ewlenin tal-politika eżaminata fuq is-soċjetà ċivili billi jipproponi l-aħjar triq li għandha tiġi segwita fil-futur. |
3.1.5 |
Il-Kumitat jenfasizza li ser ikollu jagħti prijorità lill-valutazzjonijiet ex post u kwalitattivi, sabiex ikun jista’ jiġi identifikat l-impatt ta’ intervent leġislattiv jew ta’ politika Ewropea u dak li ħassew l-imsieħba ekonomiċi u soċjali Ewropej. |
3.1.6 |
Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-valutazzjonijiet ex post tal-Kummissjoni u tal-Parlament, li għalihom ser jikkontribwixxi l-Kumitat, se jservu bħala bażi għal emenda leġislattiva jew leġislazzjoni ġdida li l-Kumitat se jiġi kkonsultat dwarha. |
3.1.7 |
Il-Kumitat huwa sodisfatt li jista’ jidħol kompletament fiċ-ċiklu leġislattiv u jimmultiplika l-opportunitajiet biex jikkontribwixxi għad-definizzjoni tal-istrateġiji ta’ politika futuri tal-Unjoni. |
3.2 Traspożizzjoni tad-direttivi
3.2.1 |
Bħala parti mit-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri xi drabi jżidu elementi li bl-ebda mod ma jkunu marbuta mal-leġislazzjoni tal-Unjoni kkonċernata; il-Kumitat għalhekk iqis li dawn iż-żidiet għandhom ikunu enfasizzati kemm bl-att jew bl-atti ta’ traspożizzjoni, kif ukoll b’dokumenti relatati (8). F’dan il-kuntest, il-Kumitat huwa tal-fehma li t-terminu “gold-plating”, li jirreferi għar-“regolamentazzjoni żejda”, huwa espressjoni li m’għandux juża peress li din tagħti isem ħażin lil ċerti prattiki nazzjonali u teskludi approċċ differenzjat u flessibbli. |
3.2.2 |
Il-Kumitat jikkunsidra li, f’każijiet ta’ armonizzazzjoni minima, l-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jipprovdu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jippromovu l-impjieg, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, protezzjoni soċjali adegwata, livell għoli u sostenibbli ta’ impjiegi u l-ġlieda kontra l-esklużjonijiet (9), il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-SMEs, kif ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-konsumaturi (10) u ta’ protezzjoni fil-qasam tal-ambjent (11), mingħajr ma joħolqu ostakli regolatorji jew amministrattivi bla bżonn, u għalhekk huwa importanti li tingħata preferenza lir-regolamenti minflok lid-direttivi, kull meta jkun possibbli. |
3.2.3 |
Il-Kumitat jinnota li l-isforz għal armonizzazzjoni massima fi proposti leġislattivi spiss iwassal għal firxa wiesgħa ta’ derogi u esklużjonijiet bil-konsegwenza li joħolqu u jilleġittimizzaw aktar ostakli għas-suq intern. |
3.2.4 |
Il-Kumitat jemmen li jista’ jaqdi rwol siewi bħala intermedjarju bejn il-leġislaturi u l-utenti tal-leġislazzjoni tal-UE u jagħti kontribut speċifiku lir-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew fir-rigward tar-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE mill-Istati Membri billi jiffoka fuq iż-żidiet magħmula mill-Istati Membri fit-traspożizzjoni, u jqis f'dan ir-rigward li l-istudju tal-Osservatorju tas-suq uniku tiegħu dwar “L-effetti tad-Direttiva ‘Servizzi’ fuq is-settur tal-kostruzzjoni” (12) kif ukoll l-istudju tal-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol tiegħu dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ (13), biex insemmu biss żewġ eżempji, jistgħu jkunu siewja mil-lat ta’ metodoloġija. |
3.3 Dimensjoni prospettiva
3.3.1 |
Il-Kumitat jappella biex il-programm REFIT ikun eżerċizzju li jaħdem fiż-żewġ direzzjonijiet, jiġifieri li ma jantiċipax, a priori, id-direzzjoni li għandu jingħata r-regolament: żieda, suppliment, emenda jew tħassir ta’ att leġislattiv. |
3.3.2 |
Il-Kumitat jaqbel li l-iskrining u l-evalwazzjoni mill-ġdid permanenti tal-acquis tal-UE għandhom isiru mill-Kummissjoni, b’mod partikolari billi teżamina r-rilevanza u l-valur miżjud tal-atti leġislattivi u mhux leġislattivi tal-UE. |
3.3.3 |
Il-Kumitat jemmen li l-karattru integrat u olistiku tal-valutazzjonijiet tal-impatt huwa fundamentali u li l-Kummissjoni mgħandhiex tiffoka biss fuq l-aspett tal-kompetittività; huwa jqis li jeħtieġ li jitqies kif meħtieġ il-valur miżjud tal-intervent tal-UE u li l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji għandha tikkunsidra l-aspetti kollha, inklużi l-ispejjeż ta’ nuqqas ta’ azzjoni. |
3.3.4 Il-valutazzjoni tal-impatt
3.3.4.1 |
Il-Kumitat iqis li d-diversi kriterji ta’ valutazzjoni tal-impatt ma jistgħux iwasslu biex il-Kummissjoni ma taġixxix jew biex tirrifjuta inizjattiva għar-raġuni li kriterju jew diversi kriterji ma ġewx issodisfati; huwa jqis għalhekk li l-Kummissjoni għandha twieżen il-kriterji bejniethom u jqis ukoll li d-diversi kriterji ma jistgħux iwasslu għal forma ta’ burokrazija tal-proċess deċiżjonali u għal astinenza leġislattiva. |
3.3.4.2 |
Il-Kumitat jagħti attenzjoni partikolari lill-prinċipju ta’ “prijorità lill-SMEs” (“Think Small First”) u għat-test tal-SMEs, b’mod partikolari fil-qafas tal-Opinjoni tiegħu dwar is-Small Business Act (14), iżda huwa tal-fehma li l-mikrointrapriżi m’għandhomx jingħatax eżenzjonijiet ġeneralizzati u li jkun aktar għaqli li jiġi adottat, f’dak li jirrigwarda l-proposti leġislattivi, approċċ ta’ każ b’każ, abbażi ta’ valutazzjoni dettaljata tal-impatt. |
3.3.4.3 |
Il-Kumitat jaqbel li l-proposti tal-Kummissjoni jkunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt rigoruża msejsa fuq l-evidenza (“evidence-based”), iżda jenfasizza li huwa l-leġislatur tal-Unjoni li għandu jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu billi jara li jkun hemm ċertu bilanċ bejn il-ħarsien tas-saħħa, tal-ambjent u tal-konsumaturi minn naħa, u l-interessi ekonomiċi tal-operaturi min-naħa l-oħra, fil-qadi tal-għan assenjat lilu mit-Trattat li jiżgura livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent (15). |
3.3.4.4 |
Il-Kumitat jispeċifika li dan l-eżerċizzju jista’ wkoll jirrigwarda l-kwantifikazzjoni tal-piż regolatorju u amministrattiv, diment li:
|
3.3.4.5 |
Il-Kumitat ma jistax jaċċetta li jinvolvi ruħu f’eżerċizzju ta’ għanijiet immirati ta’ tnaqqis tal-acquis tal-UE fuq bażi kwantitattiva mingħajr ma jqis minn qabel il-konsegwenzi kollha fuq il-protezzjoni soċjali u ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumaturi. |
3.3.4.6 |
Rigward il-valutazzjoni tal-ispejjeż kumulattivi (CCA), il-Kumitat jispeċifika li, meta l-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ex ante jew ex post ta’ parti minn leġislazzjoni Ewropea, hija għandha tikkunsidra l-fatt li dawn l-ispejjeż il-ġodda ser jiżdiedu mal-ispejjeż eżistenti ta’ konformità u ta’ implimentazzjoni. Il-Kumitat jagħraf li s-CCA jikkalkulaw l-ispejjeż finanzjarji mġarrba mil-leġislazzjoni ta’ settur partikolari iżda din il-valutazzjoni m’għandhiex teżonera settur, b’mod parzjali jew sħiħ. |
3.3.5 Valutazzjoni ex ante
3.3.5.1 |
Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar il-fatt li d-diskussjoni qiegħda timxi dejjem aktar ’il fuq fil-proċess, qabel ma jintervjenu l-koleġislaturi u l-imsieħba soċjali, li b’hekk jistgħu jiġu mċaħħda mit-termini tad-dibattitu, li jkun diġà sar mingħajrhom. |
3.3.6 Valutazzjoni ex post
3.3.6.1 |
Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-valutazzjonijiet ex post huma tal-inqas daqstant importanti daqs il-valutazzjoni ex ante; huwa jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta f’dan ir-rigward gwida metodoloġika dwar il-kriterji tal-iżvilupp sostenibbli. |
3.3.6.2 |
Il-Kumitat huwa favur valutazzjoni ex post aktar stretta tal-effetti tar-regolamentazzjoni tal-UE fil-kuntest taċ-ċiklu politiku tal-Unjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi mistennija fuq it-tkabbir u l-impjieg indikati fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta leġislattiva inizjali. |
3.3.6.3 |
Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-valutazzjonijiet ex post għandhom isiru b’mod pluralistiku wara perjodu ta’ żmien raġonevoli wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali. |
3.3.6.4 |
Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-valutazzjonijiet ex post huma għodda importanti ta’ analiżi u li l-konklużjonijiet li joħorġu mill-valutazzjonijiet jistgħu jikkontribwixxu direttament għal valutazzjoni eventwali tal-impatt għar-reviżjoni ta’ att leġislattiv. |
Brussell, is-26 ta' Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) It-taqsira tfisser il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni.
(2) COM(2012) 746 final, p. 2.
(3) COM(2015) 215 final.
(4) Il-Ftehim Interistituzzjonali (IIA) tal-15 ta’ Diċembru 2015, punt 7 (http://ec.europa.eu/smart-regulation/better_regulation/documents/iia_blm_final_en.pdf).
(5) Ibidem.
(6) ĠU C 383, 17.11.2015, p. 57
(7) ĠU C 327, 12.11.2013, p. 33, ĠU C 248, 25.8.2011, p. 87 u ĠU C 48, 15.2.2011, p. 107.
(8) Punt 31 tal-FII.
(9) L-Artikolu 151 TFUE.
(10) L-Artikoli 168 u 169 TFUE.
(11) L-Artikolu 191 TFUE.
(12) http://api.eesc.europa.eu/documents/eesc-2014-02466-00-01-tcd-tra-mt.doc
(13) http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.fr.lmo-observatory-impact-study-youth
(14) ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51
(15) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża Afton Chemical, C-343/09, ECLI:EU:C:2010:419, il-paragrafu 56.
APPENDIĊI
Il-proposti għal emendi li ġejjin, li kienu appoġġati minn tal-inqas kwart tal-voti mixħuta, inċaħdu matul id-dibattitu (f’konformità mal-Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):
a) Punt 2.11.1 u punt 2.11.2
Il-Kumitat jenfasizza f'dan ir-rigward li għandu biss siġġu wieħed u li jipparteċipa fix-xogħol abbażi ta’ rotazzjoni bejn it-tliet gruppi tiegħu meta huwa istituzzjoni stabbilita mit-Trattati li tirrappreżenta d-diversità tal-UE.
Għaldaqstant il-Kumitat huwa tal-fehma li l-għoti ta’ żewġ siġġijiet oħra jagħmilha possibbli li tiġi rispettata n-natura tripartitika tal-istituzzjoni u l-mandat tagħha, u għaldaqstant tkun tista’ tiġi riflessa s-soċjetà ċivili li huwa inkarigat li jirrappreżenta.
b) Punt 1.8
F’dak li jirrigwarda r-rappreżentattività tal-pjattaforma REFIT, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-għoti ta’ żewġ siġġijiet addizzjonali jippermettulu jirrispetta bis-sħiħ in-natura tal-mandat tiegħu u li b’hekk jirrifletti s-soċjetà ċivili li huwa inkarigat li jirrappreżenta. Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota n-nuqqas ta’ rappreżentanza pan-Ewropea tal-mikrointrapriżi, u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju fil-“grupp tal-partijiet interessati” tal-pjattaforma u jitlob li dan jiġi rimedjat mill-aktar fis possibbli.
Raġuni
Ir-rappreżentazzjoni tal-KESE tista’ tkun biss waħda. Hija dik tal-KESE u mhux dik ta’ kull grupp. Kif tiġi żgurata din l-unità hija l-prerogattiva esklussiva tal-KESE. Ma jistax ikun li jitkellem u jivvota permezz ta’ tliet voti, li skont il-każ, ikunu konfliġġenti.
Riżultat tal-vot:
Favur: |
49 |
Kontra: |
123 |
Astensjonijiet: |
16 |
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/54 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “In-natura dejjem tinbidel tar-relazzjonijiet tax-xogħol u l-impatt tagħha fuq iż-żamma ta’ paga li tiggarantixxi l-għajxien u l-impatt tal-iżviluppi teknoloġiċi fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali u l-liġi tax-xogħol”
(Opinjoni esploratorja)
(2016/C 303/07)
Relatur: |
is-Sinjura Kathleen WALKER SHAW |
F’ittra tas-16 ta’ Diċembru 2015, il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi, f’isem il-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex iħejji opinjoni esploratorja dwar
“In-natura dejjem tinbidel tar-relazzjonijiet tax-xogħol u l-impatt tagħha fuq iż-żamma ta’ paga li tiggarantixxi l-għajxien.”
F’ittra tal-14 ta’ Marzu 2016, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej tar-Repubblika Slovakka, li se tieħu l-Presidenza tal-Kunsill f’Lulju 2016, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex jipprovdi Opinjoni esploratorja bi tħejjija għall-Kunsill informali EPSCO (14-15 ta’ Lulju 2016) dwar
L-impatt tal-iżviluppi teknoloġiċi fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali u l-liġi tax-xogħol.
(opinjoni esploratorja)
Billi t-talba kienet toqrob ħafna lejn il-ħidma li qed issir taħt l-Opinjoni mitluba mill-Presidenza Netherlandiża, u fid-dawl tal-limiti ta’ żmien għall-Kunsill, intlaħaq ftehim li ż-żewġ talbiet jiġu kkombinati f’Opinjoni waħda.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Mejju 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'201 vot favur, 3 voti kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
In-natura dejjem tinbidel tax-xogħol u tar-relazzjonijiet tax-xogħol qed tiżviluppa b’pass mgħaġġel. L-isfida għall-UE hija li tinkoraġġixxi l-innovazzjoni, l-iżvilupp teknoloġiku u l-kreattività biex tixpruna u timplimenta eżiti pożittivi għal ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli u kompetittiva. Jeħtieġ li jiġi vvalutat l-impatt ta’ dawn l-iżviluppi fuq is-suq tax-xogħol u l-istandards, l-ekonomija, is-sistemi tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali u l-paga li tiggarantixxi l-għajxien. Il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi u ekonomija diġitali ġusta għall-ħaddiema u għall-intrapriżi ta’ kull daqs u minn kull settur, kif ukoll l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali, huma wħud mill-aktar sfidi importanti li jeħtieġ li nindirizzaw. L-Ewropa u l-imsieħba soċjali tagħha għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex jiżguraw li dan il-proċess iwassal għal riżultat pożittiv, ġust u sostenibbli, u li jiġu indirizzati kwistjonijiet mhux ċari fid-drittijiet u l-protezzjonijiet. |
1.2 |
Il-KESE jqisha bħala prijorità li jipproteġi l-kwalità u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tas-servizzi soċjali madwar l-UE kollha, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, f’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali jwettqu riċerka dwar l-aħjar prattika bħala l-bażi għall-iżvilupp ta’ mudelli ta’ servizzi soċjali adattati biex ikopru forom aktar flessibbli ta’ xogħol, li jiżguraw il-parteċipazzjoni f’livelli adatti ta’ protezzjoni soċjali għall-forza tax-xogħol kollha, inklużi l-persuni li jaħdmu għal rashom li ma jagħmlux parti mis-sistema tradizzjonali tal-għajnuna soċjali. Dan għandu jiġi kkunsidrat fl-iżvilupp tal-Pilastru tal-UE tad-Drittijiet Soċjali. Aħna nilqgħu b’sodifazzjon il-fatt li l-KESE qed jindirizza din il-kwistjoni f’Opinjoni separata. |
1.3 |
Il-KESE jirrakkomanda aktar analiżi dwar l-impatt ta' dawn l-iżviluppi fuq il-ħiliet kif ukoll valutazzjoni ta’ liema dispożizzjonijiet għat-taħriġ tul il-ħajja, it-taħriġ mill-ġdid u l-aġġornament tal-ħiliet huma disponibbli għall-ħaddiema taħt dawn ir-relazzjonijiet ġodda biex jiġi evitat kwalunkwe effett ta’ tnaqqis tal-ħiliet ta’ dawn l-innovazzjonijiet, jew effett negattiv fuq il-kwalifiki, u jiġu żgurati opportunitajiet aħjar ta’ impjieg. Il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali għal kulħadd għandhom ikunu prijorità fl-UE. |
1.4 |
Il-KESE jemmen li huma meħtieġa aktar data u analiżi fil-livell tal-UE dwar il-firxa tal-esternalizzazzjoni miftuħa (crowd employment), il-karatteristiċi tal-crowd workers, il-varjetajiet ta’ forom ġodda ta’ xogħol bħal dawk li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol (zero hours) u kuntratti fuq talba (on-demand), il-professjonijiet ġodda, il-kuntratti tal-liġi ċivili, ix-xogħol prekarju, id-daqs tal-“ekonomija tal-pjattaforma”, is-setturi li topera fihom u d-distribuzzjoni ġeografika tagħha madwar l-UE. Dan għandu jgħin biex jiġu vvalutati l-ħtiġijiet tan-negozju u tal-ħaddiema, meta jintużaw dawn il-forom ta’ impjieg. |
1.5 |
L-istatistika dwar dawn l-iżviluppi għandha tinġabar b’mod aktar regolari permezz ta’ stħarriġ dwar ix-xogħol fl-Ewropa u rapporti dwar is-suq tax-xogħol li jidentifikaw l-aqwa prattika, fejn din teżisti. Dan ser jippermetti li jsir monitoraġġ tal-impatt ta’ forom ġodda tax-xogħol u tar-relazzjonijiet tax-xogħol fuq is-suq tax-xogħol u fuq l-ekonomija, u li jiġi vvalutat il-kontribut tagħhom għall-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli ta’ kwalità tajba u għat-tkabbir bħala appoġġ għall-iżvilupp tal-politika tal-impjieg tal-UE, inklużi s-Semestru tal-UE u l-Istrateġija 2020. L-Orizzont 2020 u linji ta’ finanzjament tal-UE rilevanti oħra għandhom jiffinanzjaw din ir-riċerka. |
1.6 |
Hija meħtieġa wkoll data lonġitudinali sabiex jiġu stabbiliti l-implikazzjonijiet tul il-ħajja ta’ forom ġodda ta’ xogħol u l-impatt tagħhom fuq is-sostenibbiltà tax-xogħol tul il-ħajja kollha (1). Huwa importanti wkoll li jiġi identifikat il-punt sa fejn dawn huma bbażati fuq is-sessi jew relatati ma' varjabbli demografiċi oħrajn (bħall-età, id-diżabilità, l-etniċità u l-istatus ta' migrant). |
1.7 |
Tinħtieġ b’mod urġenti kjarifika tal-istatus legali tal-intermedjarji ġodda fis-suq tax-xogħol bħall-pjattaformi onlajn sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati fl-istatistika uffiċjali, sabiex jiġi traċċat it-tkabbir tagħhom u jiġi stabbilit liema standards, obbligi, responsabbiltajiet u regoli ta’ operat għandhom japplikaw u liema korpi regolatorji għandhom ikunu responsabbli għall-ispezzjoni u l-infurzar, filwaqt li jiġi rikonoxxut li dawn il-pjattaformi jistgħu jkunu sors ta’ innovazzjoni, opportunatijiet ta’ impjieg u tkabbir ekonomiku. |
1.8 |
Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni Ewropea bħalissa qiegħda tikkonsulta dwar id-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub (2) u jantiċipa li l-indirizzar ta’ forom ġodda ta’ relazzjonijiet tax-xogħol ser jiġi inkluż fil-proposti jekk il-Kummissjoni tal-UE tiddeċiedi li tirrevedi din il-leġislazzjoni. B’mod partikolari, huwa ttamat li jkun hemm kjarifiki fir-rigward ta’ forom ġodda ta’ xogħol waqt li fl-istess ħin ikun evitat li jiżdied il-piż amminstrattiv speċjalment fuq l-SMEs. Tista’ tiġi kkunsidrata woll l-estenzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni bil-għan li jkopri “l-ħaddiema”; sabiex jibdew jiġu pprovduti dikjarazzjonijiet bil-miktub mill-ewwel ġurnata; u sabiex jiġi ddikjarat numru minimu ta’ sigħat bil-għan li jitwaqqfu l-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol. |
1.9 |
Il-KESE jirrakkomanda li, b’rabta mal-pjattaformi onlajn, il-crowdsourcing, il-persuni li jaħdmu għal rashom li huma ekonomikament dipendenti u forom ġodda oħrajn ta’ impjieg indipendenti, il-kwistjonijiet relatati mar-regolazzjoni tal-attività tal-intermedjarju, ir-responsabbiltà għall-inċidenti, il-ħsara u n-nuqqasijiet fis-servizz għandhom jiġu indirizzati sabiex jiġu protetti l-ħaddiema, il-konsumaturi u l-pubbliku inġenerali. Tinħtieġ kjarifika tal-applikabbiltà tar-regolamenti eżistenti tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għal dawn il-forom ġodda ta’ impjieg, il-proċeduri għall-indirizzar tal-ksur ta’ dawn ir-regolamenti, ir-responsabbiltajiet għall-ispezzjoni u għall-assigurazzjoni fuq ir-responsabbiltà tal-ħaddiema, tal-konsumaturi u tal-pubbliku inġenerali. |
1.10 |
Għandu jiġi żgurat li l-ispettorati tax-xogħol jaqdu rwol sabiex ikopru dawn il-forom ta’ impjieg fil-mandat tagħhom skont il-prattiki nazzjonali, u l-ispetturi tagħhom għandhom jiġu pprovduti b’riżorsi, kompetenzi u taħriġ adatti. L-iżvilupp ta’ sħubijiet ma’ trejdunjins, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur jew assoċjazzjonijiet rappreżentattivi oħrajn jistgħu jkunu utli biex jindirizzaw it-tħassib tal-pubbliku u biex isibu rimedju. L-iskambju tal-aqwa prattika ser ikun parti importanti minn dan il-proċess. |
1.11 |
Għandu jiġi analizzat ukoll l-impatt fuq il-kopertura tan-negozjar kollettiv f’setturi affettwati, minħabba li ħafna ħaddiema jistgħu jitqiegħdu barra l-istrutturi tan-negozjar kollettiv u r-rappreżentanza trejdjunjonistika. Il-KESE jinsab imħasseb li meta l-ħaddiema jitqiesu bħala ħaddiema għal rashom, id-dritt tagħhom li jassoċjaw ruħhom liberament jista’ jkun f’dubju jekk l-assoċjazzjoni tagħhom tista’ titqies bħala li tifforma kartell, u b’hekk ikun hemm il-periklu li jitpoġġew f’kunflitt mar-regoli tal-UE dwar il-prattiki antikompetittivi. Dan it-tħassib, li jista’ jnaqqar dan id-dritt fundamentali, jeħtieġ li jiġi indirizzat u rrimedjat. Hija meħtieġa gwida għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom f’sitwazzjoni li tixbah lil dik ta’ impjegat. F'dan il-kuntest, l-użu tat-tifsira tal-ILO ta’ “ħaddiem” pjuttost milli d-definizzjoni aktar stretta ta’ “impjegat”, tista’ tgħin għal fehim aħjar ta’ kif japplikaw il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol (3), li t-tgawdija tagħhom m’għandhiex tiġi mfixkla mir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. |
1.12 |
Il-KESE jitlob li ssir investigazzjoni dwar l-istatus kuntrattwali tal-crowd workers u ta’ forom ġodda oħra ta’ xogħol u tar-relazzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll l-obbligi tal-intermedjarji, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ta’ tali ħaddiema li jinnegozjaw jew li jiddeterminaw il-paga, is-sigħat u l-kundizzjonijiet, il-btajjel, il-pensjonijiet, id-drittijiet tal-maternità, l-assigurazzjoni tas-saħħa mħallsa mill-impjegatur u drittijiet oħra tal-impjieg u li jipproteġu s-sjieda tal-proprjetà intellettwali prodotta. Jinħtieġu wkoll linji gwida biex jiċċaraw kwistjonijiet li jistgħu ma jkunux ċari marbuta mal-istatus tal-impjieg f’dak li għandu x’jaqsam mat-tassazzjoni u l-assigurazzjoni soċjali. |
1.13 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, l-OECD u l-ILO jaħdmu flimkien mal-imsieħba soċjali biex jiżviluppaw dispożizzjonijiet adatti dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u protezzjoni għall-ħaddiema onlajn u għal ħaddiema taħt relazzjonijiet ġodda oħrajn. Il-KESE huwa tal-fehma li l-iżvilupp ta’ approċċ fil-livell tal-UE jkun ta’ benefiċċju, filwaqt li jinnota li l-parti l-kbira tal-azzjonijiet se jkollhom jitwettqu f’livell nazzjonali, settorjali jew f’dak tal-post tax-xogħol. |
1.14 |
Kif indikaw l-imsieħba soċjali Ewropej, huwa importanti li l-Kummissjoni Ewropea tippjana l-aġenda tagħha dwar il-politika tal-impjieg b’mod li tirfed it-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tagħna. Hija għandha, fl-istess ħin, timmira li toħloq l-aqwa opportunitajiet possibbli ta’ impjieg ta’ kwalità tajba li jistgħu jinbtu mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji tagħna. Il-politika dwar is-suq tax-xogħol għandhom ikunu mmirati wkoll lejn il-protezzjoni u l-kisba mill-ġdid u l-aġġornament tal-ħiliet ta’ dawk li ser ikunu affettwati mid-diġitalizzazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti drittijiet u protezzjonijiet effettivi, monitoraġġ u infurzar f’dan ir-rigward biex jiġi evitat li jikbru l-inugwaljanzi fid-dħul u t-tnaqqis fid-dħul disponibbli u jiġi żgurat il-potenzjal sostenibbli ta’ tkabbir ekonomiku madwar l-UE. |
1.15 |
Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea għandha tqis modi kif jista’ jiġi inkoraġġit l-iżvilupp tal-pjattaformi Ewropej b’tali mod li l-valur li jinħoloq jibqa’ fl-ekonomiji lokali, u jibni fuq it-tradizzjoni rikka tal-Ewropa ta’ reċiproċità u kooperazzjoni fil-koordinazzjoni tas-suq tax-xogħol, spiss imwettqa fil-livell komunitarju u bil-kooperazzjoni attiva tat-trejdjunjins, l-impjegaturi lokali u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-persuni li jaħdmu għal rashom. Huwa importanti li wieħed jikkunsidra miżuri li jgħinu lill-intrapriżi joħolqu impjiegi sostenibbli ta’ kwalità tajba billi jipprovdu appoġġ wara l-fażi inizjali “tat-tnedija” sal-istadju tal-espansjoni – “move out” – fejn attwalment hemm ħafna intrapriżi ġodda li ma għandhom l-ebda aċċess għall-finanzjament. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
L-iżvilupp rapidu tat-teknoloġiji, flimkien ma’ żviluppi ekonomiċi u soċjetali oħra wasslu għal żieda f’forom ġodda ta’ xogħol u tar-relazzjonijiet tax-xogħol li qed jittrasformaw u joħolqu xenarju tas-suq tax-xogħol dejjem aktar kumpless. L-innovazzjoni u l-kreattività huma importanti biex tiġi xprunata ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli u kompetittiva. Huwa essenzjali li jintlaħaq bilanċ bejn il-promozzjoni tal-benefiċċji ekonomiċi u soċjali ta’ dawn l-iżviluppi ġodda li jiżguraw salvagwardji neċessarji għall-ħaddiema, il-konsumaturi u n-negozji, waqt li jiġi evitat l-abbuż tagħhom bħala mezz biex jiġu evitati prattiki ġusti tax-xogħol. |
2.2 |
Forom ġodda ta’ impjieg għandhom il-potenzjal li joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi, jagħmluha possibbli li s-swieq tax-xogħol jiffunzjonaw aħjar, joffru flessibbiltà akbar kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-impjegaturi, iżidu l-awtonomija tal-ħaddiema u l-adattabbiltà tal-postijiet tax-xogħol, jippromovu l-iżvilupp tal-ħiliet u jipprovdu ambitu akbar sabiex jiġi żviluppat bilanċ pożittiv bejn ix-xogħol u l-ħajja. Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi promoss impjieg ta’ kwalità tajba, id-djalogu soċjali u strutturi ta’ negozjar kollettiv kull fejn possibbli u li jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas ta’ ċarezza dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-impjegaturi u l-ħaddiema; l-istatus tal-impjieg tal-ħaddiema; ir-responsabbiltà għall-inċidenti, l-assigurazzjoni u r-responsabbiltà professjonali; u l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet fil-qasam tat-taxxa, il-protezzjonijiet soċjali u regolamenti oħra. Tinħtieġ valutazzjoni komprensiva tal-kapaċità tas-sistemi eżistenti tas-suq tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali biex jiġu indirizzati dawn l-iżviluppi sabiex jiġu evitati inugwaljanzi akbar fid-dħul, jiġi żgurat li n-nies jistgħu jiksbu dħul deċenti u affidabbli u jkun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. |
2.3 |
Il-KESE kkunsidra kwistjonijiet relatati ma’ dawn ix-xejriet emerġenti f’għadd ta’ Opinjonijiet (4) li kienu utli sabiex jikkontribwixxu għal din l-opinjoni esploratorja. Fin-Netherlands u s-Slovakkja, li l-Presidenza tagħhom talbet din l-Opinjoni esploratorja, l-impjieg mhux standard huwa qrib is-60 % u l-20 % rispettivament (5). |
2.4 |
Rapporti reċenti mill-Eurofound (6) u l-ILO (7) għenu sabiex tiġi identifikata t-tranżizzjoni mir-relazzjonijiet tax-xogħol tradizzjonali għal aktar forom mhux standard ta’ impjieg matul dawn l-aħħar għaxar snin. L-ILO tgħid li t-trasformazzjoni li għaddejja fir-relazzjonijiet tax-xogħol qed ikollha riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali importanti. Hija tikkontribwixxi għad-diverġenza dejjem tikber bejn id-dħul mix-xogħol u l-produttività u hemm mnejn qed tkattar l-inugwaljanzi fid-dħul (8). Skont l-ILO (9), fost il-pajjiżi b’data disponibbli, li jkopru 84 fil-mija tat-total globali tal-impjiegi, madwar kwart tal-ħaddiema biss (26,4 fil-mija) huma impjegati b’kuntratt permanenti, waqt li f’ekonomiji bi dħul għoli iktar minn tliet kwarti tal-ħaddiema għandhom kuntratt permanenti. Għalkemm il-mudell tal-impjieg standard qed issir inqas dominanti, dan jibqa’ element importanti tal-mudell tas-suq tax-xogħol Ewropew. Hija tenfasizza l-importanza għall-gvernijiet, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-imsieħba soċjali li jidentifikaw u jiddefinixxu l-forom ġodda ta’ impjieg, jiżviluppaw u jadattaw il-politika u l-leġislazzjoni biex jiġġestixxu l-bidla u jiżguraw eżiti pożittivi li jiggarantixxu ambjent favorevoli ta’ politika u dak regolatorju li jissalvagwardja l-interessi tal-intrapriżi u l-ħaddiema f’kull forma ta’ impjieg. |
3. Xejriet ġenerali fl-impjieg: il-kuntest
3.1 |
L-ekonomiji Ewropej esperjenzjaw żieda f’firxa ta’ prattiki tal-impjieg li, minn naħa, joħolqu sfida għan-norma tradizzjonali ta’ impjieg permanenti full-time b’sigħat tax-xogħol definiti, drittijiet u benefiċċji maqbula u inklużjoni sħiħa fis-sistemi nazzjonali tal-protezzjoni soċjali. Min-naħa l-oħra, dawn jistgħu jwasslu għal aktar ħolqien ta’ impjiegi u modi innovattivi ta’ xogħol u huwa importanti li tkun żgurata l-kwalità ta’ dawn l-impjiegi b’konformità mal-mudelli l-ġodda tan-negozju. Uħud minn dawn il-forom huma assoċjati mal-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil tax-xejriet tal-produzzjoni, pereżempju l-esternalizzazzjoni ta’ xogħol li qabel kien isir internament, uħud bl-introduzzjoni ta’ prattiki ġodda fi ħdan il-kumpaniji u oħrajn b’mudelli ta’ impjieg kompletament ġodda. |
3.2 |
Il-forom ġodda ta’ xogħol jistgħu jiftħu opportunitajiet ġodda għall-individwi biex jistabbilixxu ruħhom bħala intraprendituri u biex jidħlu f’okkupazzjonijiet li qabel ma kinux aċċessibbli għalihom, jew biex joħorġu mill-ekonomija sewda ta’ xogħol mhux iddikjarat. Il-kejl tal-motivazzjonijiet intraprenditorjali juri li aktar nies jibdew negozju għal raġunijiet pożittivi (pereżempju, biex jisfruttaw idea tajba bl-aqwa mod) milli għal raġunijiet negattivi (pereżempju, għax ma kellhomx għażliet oħra ta’ xogħol) (10). |
3.3 |
Ir-relazzjonijiet ġodda tax-xogħol jinkludu kuntratti “zero hours”, “on-call” jew “fly-time only”, “mini-jobs”, “portfolio work”, xogħol ibbażat fuq kupuni (“voucher based work”), kuntratti tal-liġi ċivili, u arranġamenti ta’ kondiviżjoni tax-xogħol (“job sharing”). Dan huwa akkumpanjat minn firxa ta’ forom kuntrattwali fejn ix-xogħol jiġi organizzat permezz ta’ intermedjarji inklużi “umbrella companies”, “aġenziji tal-impjieg indipendenti” (“self-employment agencies”), “aġenziji tal-impjieg konġunt” (“co-employment agencies”) jew pjattaformi onlajn tal-“crowd sourcing”. F’ħafna minn dawn il-forom, il-ħaddiema ssir referenza għalihom bħala kuntratturi indipendenti, “assoċjati”, “taskers”, “imsieħba” jew terminoloġija oħra li xi minn daqqiet toskura l-istatus tax-xogħol tagħhom. Għalkemm ta’ spiss jitqies bħala impjieg indipendenti, parti minn dan ix-xogħol tonqos milli tissodisfa l-kriterji assoċjati ma’ impjieg indipendenti ġenwin bħall-kapaċità li jiġu definiti l-kompiti, li jiġu ffissati r-rati tal-ħlas jew li jkun hemm sjieda tal-proprjetà intellettwali prodotta. F’ċerti setturi, ix-xogħol intermittenti, okkażjonali jew staġonali huwa tipiku, pereżempju fit-turiżmu, is-servizzi tal-ikel u x-xorb u l-agrikoltura, u jinħtieġ livell ta’ flessibilità fir-rigward kemm ta’ min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiem. Kemm jekk tali xogħol ikun ġestit permezz ta’ aġenzija kemm jekk b’mod indipendenti, jinħtieġu regolamenti dwar kuntratti bħal dawn biex tiġi evitata l-problema tax-xogħol mhux iddikjarat. |
3.4 |
Huwa importanti li ssir distinzjoni bejn intraprenditorija ġenwina, professjonisti li jaħdmu għal rashom u forom ġodda ta’ xogħol awtonomu dipendenti, u li tiġi żgurata l-kwalità tax-xogħol. Anke għall-ħaddiema b’kuntratti tax-xogħol formali, l-iżviluppi fl-organizzazzjoni tax-xogħol relatat mal-valutazzjoni fuq il-bażi tal-kompiti u x-xogħol abbażi ta’ proġetti qed jibdlu s-sigħat tax-xogħol tradizzjonali u jaffettwaw il-pass tal-ħajja u s-sigurtà tad-dħul. Id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv kienu ta’ suċċess f’ħafna postijiet tax-xogħol bħaċ-ċentri telefoniċi biex jindirizzaw kwistjonijiet mhux ċari u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. |
4. Id-diġitalizzazzjoni
4.1 |
Id-diġitalizzazzjoni tista’ żżid il-produttività u l-flessibbiltà f’negozji eżistenti u tipprovdi l-bażi għal industriji ġodda u l-impjieg, li jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-kompetittività tal-Ewropa. Hija taqdi wkoll rwol importanti fl-iżvilupp tal-ekonomija soċjali tas-suq u fil-promozzjoni tal-ħtiġijiet tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u fit-tnaqqis tad-disparitajiet bejn is-sessi fl-impjieg u fis-sigurtà soċjali, jekk tiġi ġestita b’mod effettiv. Id-dikjarazzjoni konġunta adottata reċentement mill-KETU, BusinessEurope, CEEP u UEAPME hija referenza utli dwar din il-kwistjoni (11). |
4.2 |
Id-diġitalizzazzjoni kellha impatt kbir ħafna fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-impjieg, li titlob aktar attenzjoni politika u ġestjoni. Hija bidlet ukoll ir-relazzjonijiet mal-konsumatur, peress li wasslet għal aċċess faċli għall-beni u s-servizzi. Il-livell ta’ sodisfazzjon fost il-konsumaturi huwa għoli, iżda hemm tħassib dwar l-impatt ta’ dan fuq l-ekonomija u jinħtieġ titjib rigward mekkaniżmi effettivi f’każijiet ta’ rimedju legali. It-tfassil proattiv tal-politika fil-livelli tal-UE u dak nazzjonali għandu jiżgura li jiġi lliberat il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni filwaqt li jiġu evitati l-iżvantaġġi tagħha (12). |
4.3 |
Proporzjon għoli ħafna tal-popolazzjoni għandu aċċess għall-internet minn diversi postijiet u jista’, fil-prinċipju, jiġi kkuntattjat fi kwalunkwe ħin u post għal finijiet relatati max-xogħol, li jwassal għal tkabbir fix-xogħol nomadiku u l-qerda tal-konfini spazjali u temporali bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Din il-flessibbiltà tista’ tkun ta’ benefiċċju kemm għan-negozji kif ukoll għall-ħaddiema, fejn l-interessi tat-tnejn jiġu rispettati. Tinħtieġ analiżi iżjed fil-fond dwar jekk, u sa liema punt, il-ħajja privata u tal-familja tal-impjegati jeħtiġux protezzjoni addizzjonali fi żmien ta’ komunikazzjoni diġitali mobbli kullimkien, u liema miżuri, kemm jekk fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, huma adatti biex jillimitaw din id-disponibbiltà/aċċessibbiltà universali (13). |
4.4 |
It-tixrid tal-ħiliet fl-ICT u l-familjarità mas-softwer standard u l-lingwi globali saħħew il-ħila tal-impjegaturi li jisfruttaw is-swieq tax-xogħol globali għax-xogħol esternalizzat. Dan joħloq opportunitajiet għaċ-ċittadini Ewropej sabiex jaħdmu għal klijenti globali, irrispettivament mill-post fejn ikunu jinsabu, iżda jikkawża wkoll theddid ta’ kompetizzjoni inġusta għan-negozji u l-ħaddiema, fis-sens li huma jkollhom jikkompetu ma’ kontropartijiet minn ekonomiji b’salarji baxxi għal dawn l-impjiegi li jista’ jkun li mhux qed jaderixxu mal-istandards tax-xogħol fundamentali tal-ILO u jiggarantixxu xogħol deċenti. |
5. L-iżvilupp tal-ħiliet
5.1 |
It-tibdil teknoloġiku jista’ jsaħħaħ l-iżvilupp tal-ħiliet, imma jista’ jkollu wkoll il-potenzjal li jnaqqas il-ħiliet tal-ħaddiema f’okkupazzjonijiet tradizzjonali. Għandu jitqies l-impatt ta’ dawn l-iżviluppi fuq il-ħiliet kif ukoll il-valutazzjoni ta’ x’dispożizzjonijiet għat-taħriġ tul il-ħajja, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet huma meħtieġa u disponibbli għall-ħaddiema taħt dawn ir-relazzjonijiet ġodda. In-negozji li jaħdmu flimkien mat-trejdjunjins, is-CEDEFOP u l-livelli tal-gvern għandhom jiżguraw li l-ħiliet jiġu żviluppati biex jissodisfaw it-talbiet tad-dinja tax-xogħol dejjem tinbidel. Huwa kruċjali l-użu effettiv tal-Fond Soċjali tal-UE u riżorsi oħra biex jingħelbu dawn l-isfidi. |
5.2 |
Sfida ewlenija hija li jiġi żgurat li l-ħaddiema jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex jimxu ’l quddiem f’impjiegi ta’ kwalità tajba fil-konfront ta’ swieq tax-xogħol li qed jinbidlu, u din għandha tkun fokus ċentrali tal-aġenda tal-UE dwar il-ħiliet fil-futur. Il-valutazzjoni ta’ kif l-aħjar jiġu adattati l-ħiliet, u l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali għal kulħadd għandhom ikunu prijorità għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-awtoritajiet pubbliċi bis-sehem attiv tal-imsieħba soċjali fil-livelli kollha. Il-KESE jinnota li dan diġà huwa impenn fil-programm ta’ ħidma tad-Djalogu Soċjali tal-UE għall-2015-2017. |
6. Statistika
6.1 |
Hemm nuqqas ta’ statistika affidabbli dwar dawn l-iżviluppi. Tinħtieġ data dwar il-firxa tal-esternalizzazzjoni miftuħa, il-karatteristiċi tal-crowd workers, il-varjetajiet ta’ impjieg indipendenti, l-impjieg indipendenti dipendenti ekonomikament, l-impjieg indipendenti fittizju u l-impjieg prekarju; id-daqs tal-“ekonomija tal-pjattaforma”, is-setturi li topera fihom u d-distribuzzjoni ġeografika tagħha, biex tiġi pparagunata l-pożizzjoni tal-UE fil-kuntest globali. |
6.2 |
L-istatistika hija meħtieġa wkoll biex tippermetti l-monitoraġġ tal-impatt ta’ forom ġodda ta’ relazzjonijiet tax-xogħol fuq is-suq tax-xogħol, il-polarizzazzjoni tax-xogħol, id-dħul u l-ekonomija u biex tiġi appoġġjata l-politika tal-impjieg tal-UE, inklużi s-Semestru tal-UE u l-Istrateġija 2020. |
6.3 |
Tinħtieġ ukoll data lonġitudinali biex jiġu stabbiliti l-implikazzjonijiet tul il-ħajja ta’ forom ġodda ta’ xogħol, u l-impatt tagħhom fuq is-sostenibbiltà tax-xogħol tul il-ħajja u biex jiġi identifikat il-punt sa fejn dawn huma bbażati fuq is-sessi jew relatati ma’ varjabbli demografiċi oħra (bħall-età, id-diżabilità, l-etniċità u l-istatus ta’ migrant). Għandu jiġi analizzat ukoll l-impatt fuq il-kopertura tan-negozjar kollettiv fl-aktar setturi affettwati, minħabba li ħafna ħaddiema li jixtiequ jkunu koperti jistgħu jitqiegħdu barra l-istrutturi tan-negozjar kollettiv u r-rappreżentanza trejdjunjonistika. |
6.4 |
L-Orizzont 2020 u linji ta' finanzjament tal-UE rilevanti oħra għandhom jappoġġjaw din ir-riċerka. |
7. L-Istatus Legali tal-Intermedjarji fis-Suq tax-Xogħol
7.1 |
Il-forom ġodda tax-xogħol qed jiżviluppaw tant malajr li r-relazzjonijiet kuntrattwali ma jistgħux ilaħħqu, li hija r-raġuni għala jeħtieġ li nħarsu lejn l-istatus legali tagħhom. Hija meħtieġa b’mod urġenti l-kjarifika tal-istatus tal-intermedjarji fis-suq tax-xogħol u l-pjattaformi onlajn biex ikunu jistgħu jiġu identifikati fl-istatistika uffiċjali, biex jiġi intraċċat it-tkabbir tagħhom u biex jiġi stabbilit liema standards, obbligi, responsabbiltajiet u regoli tal-operazzjoni għandhom japplikaw u liema korpi regolatorji għandhom ikunu responsabbli għall-ispezzjoni u l-infurzar. Id-differenzi fit-termini u d-definizzjonijiet ta’ ħaddiem, impjegat, persuna li taħdem għal rasha u internat madwar l-UE jkomplu jikkumplikaw il-valutazzjonijiet. |
7.2 |
Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni Ewropea bħalissa qiegħda tikkonsulta dwar id-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub (14) u jantiċipa li l-indirizzar ta’ forom ġodda ta’ impjieg ser jiġu inklużi fil-mandat. |
7.3 |
Il-pjattaformi onlajn qed joktru b’pass mgħaġġel b’impatt ġeneralment pożittiv fuq l-ekonomija, l-impjieg u l-innovazzjoni filwaqt li, f’xi każijiet, qed jiżviluppaw fuq skala tant li tirriskja li toħloq monopolji bil-potenzjal li tgħawweġ is-suq u toħloq kompetizzjoni inġusta. L-“ekonomija kollaborattiva” u mudelli ġodda ta’ impjieg oħra m’għandhomx jiġu abbużati bħala mezz biex jiġi evitat li jitħallsu pagi deċenti, li jiġu ssodisfati l-obbligi tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali u jiġu żgurati drittijiet u kundizzjonijiet oħra tal-impjieg billi l-ispejjeż jiġu esternalizzati għall-utenti u l-ħaddiema, u jiġu evitati r-regolamenti imposti fuq in-negozji offlajn. Dan joħloq il-periklu li n-negozji u l-ħaddiema f’setturi oħra jiġu żvantaġġati, u b’hekk jiddgħajfu l-istandards li jkun intlaħaq qbil dwarhom kif ukoll il-kundizzjonijiet ekwi. |
8. Is-saħħa u s-sigurtà
8.1 |
L-impjieg mhux fuq il-post jista’ jinvolvi riskji ta’ saħħa u sigurtà għall-ħaddiema, il-klijenti tagħhom u l-pubbliku inġenerali. Jista’ jsir xogħol fi spazji pubbliċi jew djar privati, bl-użu ta’ materjal u tagħmir perikolużi, mingħajr struzzjonijiet jew ilbies protettiv adegwat. Ir-responsabbiltà għall-assigurazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u r-responsabbiltà professjonali tista’ tkun ambigwa. Il-ħaddiema onlajn jistgħu jwettqu xogħol intensiv quddiem l-iskrin bl-użu ta’ għamara u tagħmir li ma jissodisfawx l-istandards ergonomiċi. |
8.2 |
Ir-responsabbiltà għas-sigurtà u l-inċidenti hija kwistjoni mhux ċara fir-rigward ta’ xi pjattaformi onlajn u jeħtieġ li tissolva sabiex ikunu mħarsa l-ħaddiema, il-klijenti u l-pubbliku inġenerali. |
8.3 |
Fis-seduta ta’ din l-Opinjoni (15) kien hemm referenza għal kwistjonijiet oħra li jeħtieġ li jiġu analizzati, inklużi l-eżawriment, minħabba sigħat tax-xogħol twal u mhux irregolati, u l-istress marbut man-natura imprevedibbli tax-xogħol u tad-dħul, l-assenza ta’ ħlas għal xogħol irrifjutat, meta persuna tirċievi klassifikazzjoni ħażina min-naħa tal-klijenti li ma tkunx tista’ tiġi kkontestata, meta persuna tiġi “diżattivata” mill-pjattaforma jew mill-kuntratt, l-isfidi tal-ġestjoni tar-responsabbiltajiet ta’ kura mingħajr skeda tax-xogħol ċara, l-iżolament soċjali u l-effetti kkombinati meta persuna jkollha impjiegi differenti. |
8.4 |
Tinħtieġ kjarifika dwar kemm dawn il-forom ġodda ta’ impjieg huma protetti mir-regolamenti eżistenti tal-UE u dawk nazzjonali dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u mill-proċeduri biex jiġi indirizzat kwalunkwe ksur ta’ dawn ir-regolamenti, ir-responsabbiltajiet għall-ispezzjoni u għall-assigurazzjoni fuq ir-responsabbiltà tal-ħaddiema, tal-konsumaturi u tal-pubbliku inġenerali. L-EU-OSHA bbażata f’Bilbao tista tgħin bir-riċerka u l-analiżi f’dan il-qasam. |
8.5 |
Għandu jiġi żgurat li l-ispettorati tax-xogħol jaqdu r-rwol li jkopru dawn il-forom ta’ impjieg fil-mandat tagħhom skont il-prattiki nazzjonali, u l-ispetturi tagħhom għandhom jiġu pprovduti b’riżorsi, kompetenzi u taħriġ adatti biex tiġi żgurata l-effettività tagħhom. L-iżvilupp ta’ sħubijiet ma’ trejdunjins, assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jew assoċjazzjonijiet rappreżentattivi oħrajn jistgħu jkunu utli biex jindirizzaw it-tħassib tal-pubbliku u biex isibu rimedju legali. |
9. Status tal-impjieg
9.1 |
Il-forom ġodda tal-impjieg jaffettwaw firxa wiesgħa u eteroġena ta’ okkupazzjonijiet, li jkopru x-xogħol li qabel kien fl-ekonomija informali, ix-xogħol freelance u x-xogħol li normalment isir minn impjegati diretti. L-introduzzjoni ta’ dan tista’ toħloq sitwazzjonijiet fejn kompiti identiċi jitwettqu f’ambjenti identiċi minn ħaddiema bi status differenti u jinħolqu inugwaljanzi b’rabta mal-protezzjonijiet, id-drittijiet u r-rati tal-ħlas. |
9.2 |
L-introduzzjoni ta’ intermedjarji ġodda fir-relazzjonijiet tax-xogħol wasslet f’ċerti każijiet għal nuqqas ta’ trasparenza fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet, u b’hekk fixklet in-negozjati individwali tat-termini tax-xogħol u rrestrinġiet l-aċċess tal-ħaddiema għan-negozjar kollettiv. |
9.3 |
Jitqajmu dubji dwar liema parti għandha titqies bħala l-impjegatur u dwar kif għandu jiġi ddefinit l-impjieg indipendenti, inklużi d-definizzjoni legali u s-sistema ta’ penali għall-provvista illegali tax-xogħol u forom aktar serji ta’ sfruttament. Jeżistu bosta mudelli differenti ta’ impjieg fuq il-pjattaformi onlajn, inklużi eżempji ta’ pjattaformi li bdew joffru status ta’ impjegat lill-ħaddiema tagħhom fl-interessi tat-titjib tal-kwalità u t-tnaqqis tal-fatturat (16). L-istatus tal-impjegati jipprovdi aċċess għal drittijiet tax-xogħol oħrajn. Meta l-ħaddiema jitqiesu bħala ħaddiema għal rashom, id-dritt tagħhom li jassoċjaw ruħhom liberament jista’ jkun f’dubju jekk l-assoċjazzjoni tagħhom tista’ titqies bħala li tifforma kartell, u b’hekk tpoġġihom f’kunflitt mar-regoli tal-UE dwar il-prattiki antikompetittivi. Dan jeħtieġ li jiġi indirizzat, b’mod speċjali f’sitwazzjonijiet fejn ħaddiema li apparentement jaħdmu għal rashom ma jkollhomx awtonomija fid-definizzjoni tal-kompiti u r-rati tal-ħlas tagħhom. |
9.4 |
Il-KESE jitlob sabiex issir investigazzjoni dwar l-istatus tax-xogħol tal-“crowd workers” u forom ġodda oħrajn ta’ relazzjonijiet tax-xogħol, billi tiġi kkunsidrata l-kapaċità tagħhom li jinnegozjaw it-termini, il-forma tal-ħlas (u min jiddeterminaha) u s-sjieda tal-proprjetà intellettwali prodotta. L-investigazzjoni għandu jkollha l-għan li tipprovdi gwida b’mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiċċaraw, b’konformità mal-prattiki nazzjonali tagħhom, l-istatus tat-taxxa, tal-assigurazzjoni soċjali u tax-xogħol tal-ħaddiema, u l-obbligi ta’ dawn il-pjattaformi b’rabta mas-sigħat tax-xogħol, il-paga, il-btajjel, il-pensjonijiet, id-drittijiet tal-maternità, l-assigurazzjoni tas-saħħa mħallsa minn min iħaddem u drittijiet okkupazzjonali oħrajn. |
10. Id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-ħaddiema
10.1 |
Hija meħtieġa kjarifika tad-drittijiet tal-“crowd workers” u ta’ ħaddiema oħrajn f’relazzjonijiet tax-xogħol prekarji u varjabbli fir-rigward ta’ firxa ta’ kwistjonijiet, inklużi:
|
10.2 |
Il-Kummissjoni Ewropea, l-OECD u l-ILO għandhom jaħdmu flimkien mal-imsieħba soċjali biex jiżviluppaw dispożizzjonijiet adatti dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u protezzjonijiet għall-ħaddiema onlajn u għal ħaddiema taħt relazzjonijiet ġodda oħrajn. Il-KESE huwa tal-fehma li l-iżvilupp ta’ approċċ fil-livell tal-UE jkun ta’ benefiċċju, filwaqt li jinnota li l-parti l-kbira tal-azzjonijiet se jkollhom jitwettqu f’livell nazzjonali, settorjali jew f’dak tal-post tax-xogħol. |
10.3 |
It-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tal-persuni li jaħdmu għal rashom dan l-aħħar bdew jingħaqdu flimkien sabiex jagħmlu rakkomandazzjonijiet għal soluzzjonijiet aħjar u kopertura tal-ħarsien soċjali u l-benefiċċji. |
11. Iż-żamma ta’ paga li tiggarantixxi l-għajxien
11.1 |
Il-forom ġodda tar-relazzjonijiet tax-xogħol mhumiex ristretti għal impjiegi ta’ servizz jew impjiegi manwali li jirrikjedu ħiliet baxxi. Il-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol u forom oħrajn ta’ xogħol “fuq talba” qegħdin jinfirxu għal impjiegi b’pagi ogħla u li jirrikjedu ħiliet ogħla, inklużi lekċerers, bdoti tal-linji tal-ajru u ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u oħrajn fis-servizz pubbliku, li qegħdin iwasslu għall-periklu li jitnaqqas il-potenzjal tad-dħul u s-sigurtà fl-impjieg. |
11.2 |
Il-kapaċità għal wisq xogħol u servizzi bbażati fuq l-ICT u l-midja li jiġi prodott kullimkien fid-dinja toħloq iżjed kompetizzjoni inġusta għan-negozji u l-ħaddiema għaliex dan ix-xogħol qiegħed dejjem iżjed jiġi esternalizzat lejn ekonomiji b’salarji baxxi u b'hekk jitbaxxew ir-rati nnegozjati b’mod kollettiv. |
11.3 |
Ir-riċerka (17) wriet li d-diġitalizzazzjoni qiegħda tippolarizza l-impjieg bejn dawk b’ħiliet għolja u mħallsa sewwa u dawk b’ħiliet baxxi u mħallsa pagi baxxi, u li huma l-ħaddiema meqjusa bħala li għandhom ħiliet moderati u bi dħul medju fil-qasam bankarju, fl-assigurazzjoni u fl-amministrazzjoni li huma l-vittmi f’suq tax-xogħol dejjem aktar inugwali. Ħafna jkunu sfurzati jagħmlu aktar minn xogħol wieħed sabiex ikollhom paga li tiggarantixxi l-għajxien tagħhom. Madankollu, xi wħud minn dawn il-ħaddiema indipendenti huma professjonisti bi kwalifiki għolja u b’esperjenza li huma konxji tal-pożizzjoni tagħhom fis-suq, jafu xi jsarrfu u jixtiequ jkomplu n-negozju ġenwinament għall-akkont tagħhom stess, jew qed iqisu x-xogħol indipendenti tagħhom bħala mod biex jiddiversifikaw il-fluss tad-dħul tagħhom, ikollhom alternattiva f’każ li jitilfu s-sors prinċipali tad-dħul tagħhom, jagħmlu l-flus minn qasam li ġenwinament iħobbu u jesploraw opportunitajiet ġodda ta’ karriera u negozju; iż-żewġ realtajiet jeżistu, u għandhom jiġu żgurati drittijiet u protezzjonijiet li huma meħtieġa għal kulħadd. |
11.4 |
Xi forom ġodda ta' impjieg kienu xprunati minn xewqa li jiġu evitati l-ispejjeż u l-obbligi ta' forom iżjed standard ta' impjieg. Hemm riskju li mingħajr drittijiet u protezzjonijiet effettivi, u mingħajr monitoraġġ u infurzar, ħafna forom ġodda ta’ relazzjonijiet tax-xogħol iwasslu biex jitnaqqas il-livell tal-pagi u tal-kundizzjonijiet, u ser iżidu l-inugwaljanzi dejjem akbar tad-dħul, inaqqsu d-dħul disponibbli u jrażżnu d-domanda u l-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku madwar l-UE u jwasslu għal iżjed sfidi makroekonomiċi fit-tul. Il-kapaċità ta’ dawn il-ħaddiema li jiddeterminaw il-livelli tal-ħlas u l-kundizzjonijiet tagħhom permezz ta’ ftehimiet kollettivi hija vitali sabiex tinżamm paga li tiggarantixxi l-għajxien. |
11.5 |
Il-ħlas f’forom ġodda ta’ impjieg ta’ spiss ikun ibbażat fuq l-ikkompletar ta’ kompiti speċifiċi minflok fuq ir-rati fis-siegħa. Il-prinċipju tar-remunerazzjoni ġusta għandu jinżamm f’dawn iċ-ċirkostanzi kollha u għandhom jiġu kkunsidrati l-aspetti rilevanti kollha tar-remunerazzjoni bħall-kwalità tax-xogħol prodott u l-kumpens għall-ħin tax-xogħol (18). |
11.6 |
Billi s-sistemi ta’ appoġġ għall-familji u dawk tal-għajnuna soċjali jvarjaw madwar l-UE, huwa importanti li jiġi vvalutat l-impatt ta’ forom ġodda ta’ impjieg fuq il-finanzjament tal-politiki dwar l-appoġġ għall-familji, filwaqt li jiġi rikonoxxut li paga għall-għajxien waħda tista’ ma tkunx biżżejjed biex issostni familja bit-tfal. |
11.7 |
Il-kwistjonijiet relatati mal-pagi ma jistgħux jitqiesu f’iżolament mill-interfaċċja problematika bejn il-pagi u s-sistemi tat-taxxi/tas-sigurtà soċjali u tal-benefiċċji f’relazzjonijiet tax-xogħol definiti b’mod inqas ċar. Għal darb’oħra, iċ-ċarezza dwar min huwa l-impjegatur, u l-istatus tal-ħaddiem huma kruċjali. |
12. Protezzjoni soċjali
12.1 |
Il-KESE jirrikonoxxi d-diversità tas-sistemi madwar l-Istati Membri, u jemmen li r-riċerka hija meħtieġa għall-iżvilupp ta’ mudelli ta’ servizzi soċjali adattati biex ikopru swieq tax-xogħol aktar flessibbli u jiżguraw dħul sostenibbli u adegwat li jiggarantixxi eżistenza dinjituża. Dan għandu jiġi kkunsidrat fl-iżvilupp tal-Pilastru tal-UE tad-Drittijiet Soċjali. Nilqgħu b’sodisfazzjon il-fatt li l-KESE qed jindirizza din il-kwistjoni f’Opinjoni separata. |
12.2 |
Hekk kif is-swieq tax-xogħol isiru aktar fluwidi, b’popolazzjoni dejjem tikber ta’ ħaddiema li ma jkunux jafu minn qabel meta u fejn ser ikunu qegħdin jaħdmu, qed ikun hemm inkompatibbiltajiet dejjem akbar mas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali li huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li jistgħu jsiru distinzjonijiet ċari bejn l-istatus ta’ “persuna impjegata” u dak ta’ “persuna qiegħda”. Tali inkompatibbiltajiet la jibbenefikaw lin-negozji u lanqas lill-ħaddiema. |
12.3 |
Sehem dejjem jikber tal-forza tax-xogħol jista’ ma jkunx qed jikkontribwixxi għal, jew jibbenefika minn, sistemi stabbiliti tas-sigurtà soċjali bħal benefiċċji jew assigurazzjoni tal-qgħad, tas-saħħa u tal-pensjoni. Dan diġà huwa s-suġġett ta’ dibattitu bejn l-imsieħba soċjali u l-gvernijiet f’xi Stati Membri fejn l-imsieħba soċjali huma parteċipanti ewlenin, imma jeħtieġ li jiġi estiż madwar l-UE, u jinvolvi lill-awtoritajiet lokali, parteċipanti oħra tas-soċjetà ċivili, assoċjazzjonijiet u fornituri, bil-ħsieb li jiġu definiti miżuri ta’ politika u leġislazzjoni vijabbli u sostenibbli u miżuri komplementari li jiżguraw il-parteċipazzjoni f’livelli adatti ta’ protezzjoni soċjali għall-forza tax-xogħol kollha – inklużi l-ħaddiema għal rashom, il-crowd workers u l-ħaddiema fl-ekonomija kollaborattiva. |
12.4 |
Il-KESE jirrikonoxxi li hemm differenzi sostanzjali fil-provvista ta’ sistemi ta’ għajnuna soċjali fl-Istati Membri. Filwaqt li hemm ħtieġa ċara li tiġi vvalutata l-vijabbiltà tas-sistemi tal-għajnuna soċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi li jinħolqu mill-iżviluppi ġodda fis-swieq tal-ekonomija u tax-xogħol, il-KESE huwa tal-fehma li huwa importanti li jiġi ssalvagwardjat id-dħul, u titjieb il-kwalità globali, l-affidabbiltà, l-aċċessibbiltà u l-effettività tar-reġimi tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali madwar l-UE, li f’ħafna Stati Membri attwalment jiddependu minn rati għolja ta’ xogħol standard u l-kontribuzzjonijiet relatati tagħhom. Dan it-telf fl-effettività jhedded in-nisġa tal-mudell soċjali Ewropew u tal-ekonomija soċjali tas-suq, li hija mibnija fuq impenn pubbliku qawwi fl-iffinanzjar u l-forniment ta’ servizzi ta’interess ġenerali u ta’ sistemi effettivi ta’ sigurtà soċjali. |
12.5 |
Jeħtieġ li s-sistemi tat-taxxa u tal-protezzjoni soċjali jiġu eżaminati bir-reqqa biex jiġu żgurati livelli adatti ta’ tassazzjoni u kontribuzzjonijiet soċjali għall-forom kollha tad-dħul, sew jekk iġġenerat f’setturi organizzati b’mod konvenzjonali sew fl-ekonomija kollaborattiva/tal-pjattaformi. Il-KESE jemmen li r-rwol ta’ dawn il-pjattaformi jista’ jiġi ċċarat b’dispożizzjonijiet u leġislazzjoni, fejn meħtieġ, li jiddefinixxu l-protezzjoni kemm għall-impjegati kif ukoll għall-ħaddiema għal rashom, u jkunu inklużi fis-sistema tal-protezzjoni soċjali kemm mil-lat tar-regolazzjoni kif ukoll tal-kontribuzzjonijiet. L-UE għandha tinkoraġġixxi u tikkoordina riformi fil-livell tal-Istati Membri, ibbażati fuq l-aħjar prattika. |
13. Niżguraw benefiċċji għall-UE mill-iżviluppi l-ġodda
13.1 |
Il-pjattaformi onlajn huma innovazzjoni li diġà hija realtà ekonomika fl-Ewropa. Madankollu, fil-preżent, proporzjonijiet għolja huma bbażati barra l-UE u jieħdu parti sostanzjali minn kull tranżazzjoni fl-UE, li xi drabi jammontaw għal 25 % tal-valur, il-biċċa l-kbira lil hinn mill-kosta. Jistgħu jħallsu ftit jew l-ebda taxxa jew kontribuzzjoni għall-edukazzjoni, l-infrastruttura jew is-servizzi pubbliċi fil-lokalitajiet fejn joperaw fl-Ewropa. Fejn il-ħaddiema mhumiex ġenwinament ħaddiema għal rashom, jista’ jkun hemm diskrepanzi fil-ħlasijiet tat-taxxa, il-pensjonijiet jew sistemi oħra ta’ protezzjoni soċjali. Jeħtieġ li ssir valutazzjoni tal-impatt tagħhom fuq il-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u tkabbir fl-UE, u tal-kontribut tagħhom għalihom. |
13.2 |
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra modi kif jista’ jiġi inkoraġġit l-iżvilupp ta’ pjattaformi Ewropej b’tali mod li l-valur li jinħoloq jibqa’ fl-ekonomiji lokali, abbażi tat-tradizzjoni rikka tal-Ewropa ta’ reċiproċità u kooperazzjoni fil-koordinazzjoni tas-suq tax-xogħol, ta’ spiss imwettqa fil-livell komunitarju u bil-kooperazzjoni attiva tat-trejdjunjins u tal-impjegaturi lokali. Huwa importanti li jiġu kkunsidrati miżuri li jgħinu lill-intrapriżi joħolqu impjiegi sostenibbli ta’ kwalità tajba billi jingħata appoġġ wara l-fażi inizjali “tat-tnedija” sal-istadju tal-espansjoni – “move out” – , fejn attwalment hemm ħafna intrapriżi ġodda li ma għandhom l-ebda sostenn. |
Brussell, 25 ta’ Mejju 2016
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) France Stratégie, “Le compte personnel d'activité de l'utopie au concret”, rapport finali.
OECD, “Employment Outlook 2014”, p. 179
(2) Direttiva 91/533/KE
(3) Kif turi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża FNV-KIEM (http://curia.europa.eu/juris/liste.jsf?num=C-413/13) fl-2015, hemm lok ċar għall-interpretazzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom f’sitwazzjoni li tixbah lil dik ta’ impjegat. Studju li sar fl-2014 dwar l-Arranġamenti Kuntrattwali għall-Awturi u l-Artisti minn IVIR enfasizza wkoll l-eżenzjonijiet settorjali bħala mod possibbli ’l quddiem billi enfasizza eżempju rilevanti mill-Ġermanja, fejn l-Artikolu 12a tal-Att dwar in-Negozjar Kollettiv jippermetti ċerti awturi u artisti li jaħdmu għal rashom li jibbenefikaw min-negozjar kollettiv. L-istudju jispeċifika li dawn l-eżenzjonijiet huma maħsuba li jaqdu l-interess pubbliku billi jagħtu protezzjoni lil grupp li ekonomikament u soċjalment jixraqlu din il-protezzjoni bl-istess mod bħall-impjegati.
(4) ĠU C 133, 9.5.2013, p. 77; ĠU C 11, 15.1.2013, p. 65; ĠU C 18, 19.1.2011, p. 44; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 43; ĠU C 161, 6.6.2013, p.14; OJ C 13, 15.1.2016, p. 161; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40.
(5) OECD, “Reducing labour market polarisation and segmentation”, preżentazzjoni ta’ S. Scarpetta, 2014.
ILO – Report for discussion of the meeting of Experts on non-standard forms of employment
ILO – Conclusions of the meeting of experts on non-standard forms of employment
(6) Eurofound, “New forms of employment”
Eurofound, “Harnessing the crowd – A new form of employment”
(7) ILO, “The changing nature of jobs – World Employment and Social Outlook 2015”.
ILO, “Regulating the employment relationship in Europe: A guide to Recommendation” – Employment Relationship Recommendation 2006 (no 198).
(8) ILO, “The changing nature of jobs – World Employment and Social Outlook 2015”, p 13-14
(9) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 8, p. 30.
(10) GEM 2015/2016 Global Report.
(11) Statement of the European Social Partners on digitalisation.
(12) ĠU C 13, 15.1.2016, p 161, punti 1.3, 1.5.8 u 5.6.
(13) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161, punt 4.4.
(14) Ara nota nru 2 f’qiegħ il-paġna.
(15) Seduta pubblika dwar “L-evoluzzjoni tan-natura tar-relazzjonijiet tax-xogħol, l-ekonomija kollaborattiva, il-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol u paga li tiggarantixxi l-għajxien”, il-KESE, 31 ta’ Marzu 2016.
(16) http://www.nytimes.com/2015/12/11/business/a-middle-ground-between-contract-worker-and-employee.html
(17) http://www.liberation.fr/debats/2015/09/03/daniel-cohen-il-faut-une-societe-dans-laquelle-perdre-son-emploi-devienne-un-non-evenement_1375142
(18) Il-ħin tal-ivvjaġġar jitqies bħala ħin tax-xogħol, ara Tyco, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, 10 ta’ Settembru 2015.
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/64 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Sistemi alimentari aktar sostenibbli”
(opinjoni esploratorja)
(2016/C 303/08)
Relatur: |
is-Sur Mindaugas MACIULEVIČIUS |
Nhar is-16 ta' Diċembru 2015, il-Presidenza Netherlandiża li jmiss tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Sistemi alimentari aktar sostenibbli”
(opinjoni esploratorja)
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta' Mejju 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tas-26 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’152 vot favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi, ambjentali u soċjali multipli tal-produzzjoni u l-konsum tal-ikel, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżviluppaw politika ċara għall-UE u pjan ta' implimentazzjoni għall-bini ta' sistema tal-ikel sostenibbli, reżiljenti, b'saħħitha u favur il-klima, li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni u l-fehim reċiproku fost il-partijiet interessati kollha tul il-katina tal-provvista tal-ikel. Koerenza u integrazzjoni aħjar tal-għanijiet u l-istrumenti tal-politika relatata mal-ikel (eż. dwar l-agrikoltura, l-ambjent, is-saħħa, il-klima, ix-xogħol, eċċ.) għandhom jiġu żgurati billi jitqiesu t-tliet pilastri tas-sostenibbiltà. |
1.2 |
It-tranżizzjoni lejn sistemi alimentari aktar sostenibbli li jiġbru fihom il-fażijiet kollha mill-produzzjoni sal-konsum hija ferm meħtieġa – il-produtturi jeħtieġ li jkabbru aktar ikel filwaqt li jitnaqqas l-impatt ambjentali, filwaqt li l-konsumaturi għandhom jiġu inkoraġġiti jibdlu għal dieti nutrittivi u tajbin għas-saħħa b'marka tal-karbonju iżgħar. L-UE għandha żżid l-isforzi biex timplimenta l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs), għaliex jipprovdu qafas kruċjali għal azzjoni konġunta biex titma' l-popolazzjoni tad-dinja b'mod sostenibbli sal-2030. |
1.3 |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-ebda sistema tal-produzzjoni tal-ikel waħedha mhu se titma' lill-pjaneta b'mod sikur, imma kombinazzjoni ta' prattiki differenti, konvenzjonali, innovattivi u agroekoloġiċi tista' tgħin biex tindirizza aħjar l-implikazzjonijiet ambjentali u klimatiċi tas-sistemi attwali tal-produzzjoni tal-ikel. B'mod partikolari, taħlita ta' agrikoltura ta' preċiżjoni, li tinvolvi aktar żvilupp tal-ICT u sistemi bis-satellita, u agroekoloġija tista' tikkomplementa l-agrikoltura konvenzjonali billi tipprovdi sett ta' prinċipji u prattiki maħsuba biex isaħħu s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-biedja, bħal użu aħjar tal-bijomassa, it-titjib tal-ħażna u l-mobilizzazzjoni tal-bijomassa, l-iżgurar ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-ħamrija, it-trawwim ta' diversifikazzjoni tal-għelejjel u l-minimizzazzjoni tal-użu tal-pestiċidi. Aktar promozzjoni ta' mudelli agrikoli magħluqa tista' twassal għal agrikoltura ħielsa mill-karburanti fossili. Ir-riforma tal-PAK introduċiet kombinazzjoni ta' miżuri (ekoloġizzazzjoni, skemi agro-klima-ambjentali, eċċ.), li jistgħu jitqiesu bħala pass fid-direzzjoni t-tajba. |
1.4 |
Dħul stabbli u raġonevoli għall-operaturi kollha tul il-katina tal-provvista alimentari huwa meħtieġ biex jiżgura aktar investimenti sostenibbli u kostanti f'teknoloġiji agroambjentali u tekniki favur il-klima. |
1.5 |
Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel hija responsabbiltà komuni għall-parteċipanti kollha fil-katina alimentari. Il-KESE jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni fil-pakkett tal-ekonomija ċirkolari li toħloq pjattaforma ta' partijiet interessati biex tgħin fit-tħejjija ta' qafas tal-miżuri meħtieġa u biex tiġi kondiviża l-aħjar prattika dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga kif il-ġerarkija tal-użu tal-ikel qed tiġi applikata fil-prattika fl-Istati Membri, inkluż fir-rigward ta' inċentivi ekonomiċi li jistgħu jipprovdu sinjali mħallta għan-negozji. Filwaqt li tappoġġja l-applikazzjoni effikaċi tal-ġerarkija tal-iskart, il-KESE jitlob ukoll għal reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 sabiex l-ikel mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem ikun jista' jintuża bħala għalf tal-annimali fejn ikun sikur li jsir dan. |
1.6 |
L-għażliet sostenibbli dwar l-ikel għandhom jiġu promossi billi tiżdied id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tagħhom għall-konsumaturi. Il-konsum ta’ prodotti tal-ikel sostenibbli għandu jitħeġġeġ billi tinħoloq domanda tas-suq aktar b’saħħitha, permezz ta’ akkwist pubbliku ekoloġiku jew approċċi oħra. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jirrevedu l-linji gwida nazzjonali tad-dieta biex jirriflettu s-sostenibbiltà u jappoġġjaw l-edukazzjoni dwar l-ikel fil-kurrikuli tal-iskejjel. L-UE għandha wkoll tippromovi t-tikkettar tal-oriġini, l-iżvilupp ta' tikketti li b'mod ċar iwasslu l-aspett ta' sostenibbiltà tal-prodotti tal-ikel kif ukoll kampanji ta' reklamar viżiv madwar l-UE għal ikel u dieti tajbin għas-saħħa. |
1.7 |
Il-politiki tal-UE, flimkien ma' programmi ta' riċerka u innovazzjoni speċifiċi, ikkombinati ma' inċentivi finanzjarji lill-produtturi tal-ikel, għandhom:
|
1.8 |
It-tranżizzjoni għal sistemi alimentari sostenibbli tirrikjedi politika komprensiva dwar l-ikel, integrata bi strateġija bijoekonomika fuq bażi wiesgħa, u mhux politika agrikola waħedha. Aktar milli nidħlu f'dibattitu ta' polarizzazzjoni, huwa meħtieġ il-ħsieb interdixxiplinarju, li jġib flimkien id-DĠ tal-Kummissjoni, firxa wiesgħa ta' ministeri u istituzzjonijiet fl-Istati Membri, flimkien ma’ gvernijiet lokali u reġjonali u partijiet interessati fis-sistemi alimentari kollha, biex jiġu indirizzati l-isfidi interkonnessi enfasizzati f'din l-opinjoni. Il-KESE jittama li l-interdipendenza tal-produzzjoni u l-konsum tal-ikel jiġu rikonoxxuti u li approċċ xieraq tal-politika Ewropea li jinkludi inizjattivi privati differenti jiġi żviluppat bi pjan ta' direzzjoni lejn is-sostenibbiltà, is-saħħa u r-reżiljenza. Madankollu, il-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd se jaqdu rwol importanti wkoll fl-UE fil-ġejjieni. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Billi jaġixxi fuq ir-referenza mill-Presidenza Netherlandiża tal-UE, il-KESE qed ifassal din l-opinjoni biex jenfasizza t-tħassib dejjem jiżdied tas-soċjetà ċivili dwar l-impatt ambjentali, fuq is-saħħa, ekonomiku u soċjali tal-produzzjoni u l-konsum tal-ikel, u l-isfidi relatati mat-tmigħ tal-popolazzjoni dejjem tikber tad-Dinja f'dinja b'riżorsi limitati. L-ikel huwa parti ċentrali tas-soċjetajiet kollha tagħna; huwa kemm dipendenti fuq, kif ukoll jaffettwa, ir-riżorsi naturali; għandu impatt fuq is-saħħa pubblika; u għandu rwol ċentrali fl-ekonomija Ewropea, billi huwa l-akbar settur tal-Unjoni f'termini ta' impjiegi u kontribut għall-PDG. |
2.2 |
Skont il-Panel ta' Livell Għoli ta' Esperti dwar is-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija, sistema alimentari sostenibbli (SFS) hija ddefinita bħala “sistema alimentari li toffri sigurtà alimentari u nutrizzjoni għal kulħadd b'tali mod li l-bażijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jiġġeneraw is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni għal ġenerazzjonijiet futuri ma jiġux kompromessi” (1). It-tranżizzjoni lejn sistemi alimentari aktar reżiljenti u sostenibbli għalhekk tikkonċerna l-attivitajiet interrelatati u konnessi kollha li jidħlu fil-produzzjoni, l-ipproċessar, it-trasport, il-ħżin, il-kummerċjalizzazzjoni u l-konsum tal-ikel. Ir-rwol tax-xejriet tal-konsum globali bħala mutur tal-mod kif jiġi prodott l-ikel u tat-tipi ta' ikel prodott qed jiġi rikonoxxut ukoll. |
2.3 |
Il-KESE se jindirizza l-kwistjoni ta' sistemi alimentari sostenibbli b'mod olistiku u se jiffoka prinċipalment fuq il-kuntest tal-UE, minkejja li l-implikazzjonijiet esterni se jiġu kkunsidrati wkoll għaliex l-UE hija l-akbar esportatur u importatur ta' prodotti agrikoli u tal-ikel fuq livell globali. |
2.4 |
Fl-2014, kienet mistennija Komunikazzjoni dwar l-ikel sostenibbli, imma aktar tard ġiet irtirata mill-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari ta' Diċembru 2015 indirizza xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet u inkluda t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel bħala prijorità ewlenija, biex b'hekk jirrifletti l-impenn li għamlet l-UE u l-Istati Membri fil-kuntest tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU tal-2030 li titnaqqas bin-nofs il-ħela tal-ikel per capita fuq livell bl-imnut u tal-konsumatur, u li jonqos it-telf tal-ikel tul il-katini ta' produzzjoni u provvista (SDG 12.3). |
3. Sfidi prinċipali għas-sistemi alimentari attwali
3.1 |
Il-Panel tar-Riżorsi Internazzjonali tan-NU jidentifika l-produzzjoni tal-ikel bħala li għandha l-akbar impatt ambjentali ta' kwalunkwe settur f'termini ta' użu ta' riżorsi fuq livell globali (2) – madankollu fl-UE dan huwa ferm anqas. Is-sistemi tal-ikel jużaw ħafna riżorsi naturali, inklużi l-art, il-ħamrija, l-ilma u l-fosforu, kif ukoll l-enerġija, għall-produzzjoni ta' fertilizzant tan-nitroġenu, ipproċessar, imballaġġ, trasport u refriġerazzjoni. Għalhekk, mhix sorpriża li għandha impatt ukoll fuq l-ambjent fil-livell globali, inklużi t-telf tal-bijodiversità, id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-art, it-tniġġis tal-ilma u l-arja, u l-emissjonijiet ta' gass serra. It-telf kontinwu tal-bijodiversità agrikola fil-livell tal-irziezet jibqa' kwistjoni ta' tħassib serju (3). Globalment, il-maġġoranza tas-sajd huwa sfruttat kompletament jew iż-żejjed. Il-ġestjoni ta' dawn ir-riżorsi kollha b'mod effiċjenti u sostenibbli hija għalhekk meħtieġa biex tiġi żgurata provvista kontinwa ta' ikel tajjeb għas-saħħa u affordabbli. |
3.2 |
Globalment, terz tal-ikel prodott għall-konsum mill-bniedem jintilef jew jinħela, li jirrappreżenta sa 1,6 biljun tunnellati ta' ikel u li jiġġenera 8 % tal-emissjonijiet globali ta' gass serra (4). Il-produzzjoni ta’ ikel li mhux se jittiekel tikkontribwixxi għal aktar minn 20 % tal-pressjoni globali fuq il-bijodiversità u tikkonsma qrib it-30 % tal-art agrikola kollha tad-dinja. |
3.3 |
Kull sena, fl-UE tinħela madwar 100 miljun tunnellata ta' ikel (5), bit-tbassir ta' żieda ta' 20 % sal-2020 mingħajr azzjoni preventiva. Il-ħela tal-ikel fl-Ewropa tiġi ġġenerata matul il-katina ta’ provvista, fejn il-konċentrazzjoni fuq livell ta’ unità domestika hija stmata għal 46 % (6). Għandu jiġi nnotat li s-setturi tal-bejgħ bl-imnut u tal-manifattura għamlu sforzi sinifikanti biex itejbu l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel tul dawn l-aħħar snin. L-isforzi biex tiżdied is-sostenibbiltà tal-produzzjoni u tal-katina tal-provvista ma tantx jagħmlu sens mingħajr azzjoni qawwija biex titnaqqas il-ħela. |
3.4 |
Fil-preżent, ftit huwa magħruf dwar it-telf tal-ikel u l-ġenerazzjoni tal-ħela tal-ikel fil-livell tal-irziezet (7). It-telf u l-ħela tal-ikel, pereżempju jista jkun iġġenerat minħabba nuqqas ta’ modernizzazzjoni f’xi rziezet, kanċellazzjonijiet tal-ordni u l-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi, bir-riżultat li l-għelejjel jindifnu lura fil-ħamrija meta l-ħsad ma jkunx ekonomikament vijabbli (iżda tal-anqas dan għandu impatt pożittiv fuq l-ambjent minħabba li jikkontribwixxi għall-kontenut ta’ materjal organiku fil-ħamrija) jew l-ikkompostjar tal-ikel li ma jistax jinbiegħ jintrema. Sfida oħra ewlenija hija, u ser tkun dejjem aktar, l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq il-kundizzjonijiet tat-temp, u tifqigħat ta’ mard possibbli. Jekk aħna nikkunsidraw dawn l-impatti, hemm ħafna x’jista’ jitqies bħala ħela tal-ikel kull sena. Meta mqabbla mal-bqija tad-dinja, l-UE kienet attiva ħafna fl-indirizzar ta’ din il-kwistjoni, u għalhekk għandha tappoġġja t-tixrid tal-prattiki tajbin u l-għarfien tagħha f’dan il-qasam. |
3.5 |
Is-sistemi tal-ikel huma waħda mill-kawżi tat-tibdil fil-klima; huma mistennija wkoll li jiġu affettwati b'mod sinifikanti minnu (8). It-tibdil fil-klima se jkollu konsegwenzi fuq id-disponibbiltà ta' riżorsi naturali bażiċi (ilma, ħamrija) li jwassal għal tibdil sinifikanti fil-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-ikel u l-produzzjoni industrijali f'xi oqsma (9). Il-kundizzjonijiet klimatiċi estremi bħall-għargħar, in-nixfa, in-nirien, u l-irjieħ qawwija, kif ukoll aktar firxa relatata mal-klima ta' mard tal-pjanti u tal-annimali, diġà jaffettwaw il-produzzjoni tal-ikel u se jagħmlu hekk iżjed fil-ġejjieni. |
3.6 |
In-nuqqas ta' nutrizzjoni llum jikkoeżisti fid-dinja mal-effetti ta' abbundanza żejda ta' ikel f'ċerti partijiet tad-dinja. Madwar 795 miljun persuna jinsabu bil-ġuħ, filwaqt li n-numru ta' persuni b'piż żejjed/obeżità laħaq aktar minn 1,4 biljun adult globalment, li jirrappreżenta madwar 30 % tal-popolazzjoni adulta totali; filwaqt li l-kundizzjonijiet tas-saħħa relatati mal-obeżità qed jiżdiedu b'mod rapidu kemm f'pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll f'pajjiżi żviluppati (10). Dawn iċ-ċifri juru żbilanċi profondi fil-mod kif l-ikel jiġi prodott, distribwit u kkunsmat. It-tkabbir tal-popolazzjoni, u t-tbassir ta' żieda ta' 82 % fil-konsum globali tal-laħam sal-2050, se jiggrava ż-żewġ problemi (11). Matul dawn l-aħħar 20 sena, hekk kif il-pajjiżi madwar id-dinja esperjenzaw urbanizzazzjoni u tkabbir ekonomiku, seħħet tranżizzjoni fin-nutrizzjoni, li biddlet il-wiċċ tal-produzzjoni u l-konsum tal-ikel. Madwar id-dinja, ix-xejriet ta' kif nieklu qed jinbidlu għal prodotti aktar komposti, aktar laħam u prodotti tal-ħalib, aktar zokkor u xarbiet li fihom iz-zokkor (12). Fl-istess ħin aktar nies għandhom stil ta' ħajja sedentarju li jikkontribwixxi għal nuqqas ta' attività fiżika. |
3.7 |
Il-bhejjem għandhom parti importanti u indispensabbli fis-sistemi alimentari, bħala sors ta' proteina ta' kwalità għolja u nutrijenti oħra bħal vitamini u minerali. Il-bhejjem għandhom rwol sinifikanti wkoll fiċ-ċikli ta' nutrijenti fl-irziezet u dawk reġjonali, u jipproteġu l-kampanja miftuħa u diversifikata, il-mergħat permanenti u l-ħabitats seminaturali, kif ukoll jippreservaw il-bijodiversità. Jipprovdu wkoll lill-persuni bid-dħul, l-assi u l-għajxien tagħhom. Fl-istess waqt l-UE għandha wkoll ħafna art agrikola li fil-prattika hija tajba biss għall-għalf tal-bhejjem. Madankollu, matul dawn l-aħħar 50 sena rajna żieda ta' aktar minn erba' darbiet fil-produzzjoni globali tal-laħam u tal-bajd, u l-produzzjoni tal-ħalib aktar milli rduppjat. Matul l-istess perjodu, kien hemm biss tkabbir doppju fil-popolazzjoni umana globali (13). Ta’ min jinnota li l-kompożizzjoni tad-domanda nbidlet ukoll u li ż-żieda fil-produzzjoni tal-laħam, il-ħalib u l-bajd hija marbuta ma’ żieda fid-dħul, filwaqt li l-prezzijiet baqgħu baxxi. |
3.8 |
Jekk jitqiesu l-ikel ibbażat fuq il-pjanti mkabbar għall-użu mill-bniedem, l-għalf ibbażat fuq il-pjanti mkabbar għall-bhejjem, u l-uċuħ tar-raba' bbażati fuq il-pjanti użati għaż-żrieragħ u skopijiet industrijali bħal bijokarburanti, id-dinja attwalment tipproduċi darba u nofs l-ikel meħtieġ biex titma' l-popolazzjoni tal-lum, u x’aktarx ikun biżżejjed biex jitma' l-popolazzjoni tal-2050. Madankollu, il-livelli attwali tal-ħela tal-ikel globali, u l-produzzjoni ta' għalf tal-annimali biex isostni l-konsum dejjem jiżdied tal-laħam, joħolqu domanda għal żieda sinifikanti fil-produzzjoni tal-ikel. Sabiex titma' lid-dinja b'mod sostenibbli fl-2050 u lil hinn, hija meħtieġa kombinazzjoni ta' gwadanji fil-produttività u l-ottimizzazzjoni fuq l-art agrikola u l-industriji tas-sajd eżistenti, li hija kompatibbli mal-istabbiltà u l-kwalità tal-ambjent u s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u mal-ġustizzja soċjali, kif ukoll bidla lejn dieti sostenibbli, u tnaqqis sostnut fit-telf u l-ħela tal-ikel. |
3.9 |
Iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli u tal-produzzjoni agrikola u fil-volatilità tal-prezzijiet matul l-aħħar deċennju kienet ta' sfida għas-sigurtà alimentari u għar-robustezza tas-sistema alimentari, filwaqt li qajmet tħassib serju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-produtturi. Minn naħa, prezzijiet finali għoljin ma rriżultawx fi dħul ogħla għall-produtturi tal-ikel, għall-kuntrarju, it-tnaqqis jew l-istaġnar tad-dħul tagħhom qed jagħmel pressjoni ’l isfel fuq ix-xogħol, li jhedded l-istabbiltà tad-dħul tal-operaturi kollha. Min-naħa l-oħra, il-kriżi ekonomika dgħajfet il-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi. Dħul stabbli u raġonevoli għall-operaturi kollha tul il-katina tal-provvista alimentari huwa meħtieġ biex jiżgura aktar investimenti sostenibbli u kostanti f'teknoloġiji agroambjentali u tekniki favur il-klima. |
3.10 |
L-iżviluppi riċenti fis-swieq agrikoli, b'mod speċjali fis-settur tal-ħalib, jipprovdu evidenza ċara ta' dawn l-iżbilanċi potenzjali, fejn il-kawża mhix biss il-provvista żejda fis-suq, imma wkoll projbizzjonijiet istigati minn motivazzjoni politika fi swieq tal-esportazzjoni preċedenti. L-istabbiltà futura se tiddependi l-aktar fuq ir-reżistenza tal-bażi ta' provvista għal xokkijiet, li fosthom it-tibdil fil-klima huwa l-aktar prominenti. Id-diversifikazzjoni tal-irziezet, il-finanzjament innovattiv, l-iskemi ta' assigurazzjoni tad-dħul u għodod innovattivi oħra għall-ġestjoni tas-suq li joffru protezzjoni mill-klima jew minn turbolenzi fis-swieq għandhom jiġu promossi bil-qawwa mill-politiki tal-UE. |
3.11 |
L-effetti soċjali u ta' ridistribuzzjoni tal-prezzijiet tal-ikel jeħtieġ li jitqiesu mill-perspettiva kemm tal-produttur kif ukoll tal-konsumatur. Illum il-ġurnata, ħafna konsumaturi ma jifilħux iħallsu għall-ikel tal-aqwa kwalità. Matul is-snin riċenti, ir-relazzjonijiet tal-poter fil-katina tal-provvista tal-ikel inbidlu, u wasslu għal konċentrazzjoni progressiva ta' manifatturi tal-ikel u bejjiegħa bl-imnut fis-suq u għalhekk għal bidla fil-poter tal-innegozjar, l-aktar b'vantaġġ għas-settur tal-imnut u għad-detriment tal-produtturi primarji. Din il-kwistjoni se tiġi indirizzata f'opinjoni separata tal-KESE dwar “Katina tal-provvista tal-ikel aktar ġusta”. |
3.12 |
Hekk kif l-enfasi fil-kummerċ dinji dejjem qed tersaq lejn negozjati bilaterali u mega-reġjonali fin-nuqqas ta’ konklużjoni taċ-“Ċiklu ta’ Doha” tad-WTO, huwa essenzjali li jitqiesu bis-sħiħ l-implikazzjonijiet ambjentali u klimatiċi, l-istandards tal-kwalità tal-ikel u tas-saħħa, l-istandards Sanitarji u Fito-Sanitarji (SPS) usa’, kif ukoll il-proċess tal-produzzjoni (l-“ekosistema industrijali” fejn issir il-produzzjoni, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, il-kuntest kulturali tal-produzzjoni u r-relazzjonijiet tax-xogħol). Għall-UE huwa imperattiv li tiġi evitata kwalunkwe rilokazzjoni tal-produzzjoni tal-ikel lejn pajjiżi terzi, fejn din tkun kompletament, jew fil-biċċa l-kbira tagħha, dovuta għall-fatt li l-bażi legali għall-produzzjoni tal-ikel mhix daqshekk tassattiva daqs dik fl-UE Il-politiki tal-UE għandhom rwol ewlieni globalment biex jinkoraġġixxu l-produzzjoni sikura u sana tal-ikel, u jipprojbixxu l-importazzjoni ta’ kwalunkwe prodotti alimentari fejn dawn ma jilħqux l-istandards internazzjonali tal-SPS jew Ewropej tas-sikurezza tal-ikel. |
3.13 |
Għal dawn l-aħħar 140 sena, il-kooperattivi tal-produtturi wrew b'mod ċar li huma aktar reżiljenti għat-turbolenzi fis-swieq agrikoli u jgħinu jevitaw ir-rilokazzjoni tal-produzzjoni tal-ikel. Għalhekk, aktar promozzjoni, u anke aktar b'saħħitha, orjentata lejn is-settur u r-reġjun, ta' kooperazzjoni bejn produtturi u kooperattivi żgħar hija vitali. B’mod partikolari, trid issir enfasi speċifika fuq dawk is-setturi u r-reġjuni fejn il-kooperazzjoni hija baxxa. |
4. Oqsma ewlenin ta' intervent għal tranżizzjoni għal sistemi alimentari aktar sostenibbli
Promozzjoni ta' produzzjoni tal-ikel aktar effiċjenti fir-riżorsi u reżiljenti għall-klima
4.1 |
It-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-agrikoltura, l-akkwakultura u s-sajd, inklużi l-emissjonijiet ta' gass serra, jeħtieġ tibdil fil-mod kif jiġi prodott l-ikel. L-adozzjoni ta' prattiki aktar sostenibbli hija meħtieġa biex twaqqaf it-tnaqqis tar-riżorsi naturali, kif ukoll biex ikun hemm adattament u mitigazzjoni għall-effetti tat-tibdil fil-klima. Diversi miżuri jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-produttività filwaqt li jżidu s-sostenibbiltà ambjentali u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, bħaż-żieda fid-diversità ta' varjetajiet ta' pjanti u annimali, it-titjib tal-baqar permezz tat-trobbija, it-trawwim tal-pjanti, it-tisħiħ tal-funzjonalità ta' agroekosistemi u l-ġestjoni tal-ilma, il-promozzjoni u l-applikazzjoni ta' riċerka u innovazzjoni, l-ottimizzazzjoni tal-funzjoni tal-ħamrija, l-iffaċilitar tat-trasferiment tal-għarfien u t-taħriġ, u l-promozzjoni ta' tibdil teknoloġiku permezz ta' appoġġ għall-investiment. Żvilupp ulterjuri ta' sistemi tal-UE bis-satellita u ċentri kbar ta' data għandhom jiġu promossi sabiex jiffaċilitaw id-detezzjoni bikrija u l-prevenzjoni jew it-tħejjija għal kundizzjonijiet estremi tat-temp u mard differenti. Il-biedja ta' preċiżjoni għandha tiġi promossa wkoll. |
4.2 |
Huwa essenzjali wkoll li jinżamm il-mudell tal-irziezet tal-familja fl-Ewropa u jkun jeħtieġ il-promozzjoni ta' tiġdid ġenerazzjonali fuq ir-razzett, biex tiġi ffaċċjata l-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ. Dan għandu jkollu impatt pożittiv fuq il-ħolqien tal-impjiegi f’żoni rurali. Huwa importanti wkoll li jkun possibbli li tinżamm produzzjoni agrikola diversifikata mar-reġjuni kollha tal-UE. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni agrikoli żvantaġġati. Għandhom ikunu rikonoxxuti tipi differenti ta’ rziezet u għandhom jiġu stabbiliti għodod immirati speċifiċi għal dan l-għan. |
4.3 |
Fis-snin riċenti, ir-riorganizzazzjonijiet tal-katini tal-provvista tal-ikel ħarġu bl-għan ta' konnessjoni mill-ġdid tal-produtturi u l-konsumaturi u l-lokalizzazzjoni mill-ġdid tal-produzzjoni agrikola u tal-ikel. Dawn jinkludu agrikoltura sostnuta mill-komunità, katini tal-provvista qosra, netwerks alimentari alternattivi, sistemi tal-biedja lokali u bejgħ dirett. Anke jekk is-settur huwa relattivament żgħir, għandu jiġi promoss aktar, għaliex għandu impatt pożittiv ħafna relatat mal-bejgħ ta' ikel frisk, ta' kwalità, tajjeb għas-saħħa, ta' patrimonju b'impatti pożittivi kemm soċjali kif ukoll ekonomiċi. L-SMEs huma wkoll kontributuri importanti f'dan il-qasam. Għandu jiġi enfasizzat ir-rwol speċifiku tal-muniċipalitajiet urbani, peress li l-infrastruttura meħtieġa u l-investimenti xierqa għandhom jiddaħħlu fis-seħħ f’żoni urbani sabiex jiġi ffaċilitat il-bejgħ dirett mill-produttur. Il-prattiki tajba tas-settur privat għandhom jiġu inkoraġġuti wkoll, pereżempju meta infrastruttura bħal din tinħoloq fuq inizjattiva privata ta’ ċentri kummerċjali lokali. |
4.4 |
Biex tiġi stimulata produzzjoni tal-ikel aktar effiċjenti fir-riżorsi, ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) introduċiet kombinazzjoni ta' miżuri, inkluż ekoloġizzazzjoni obbligatorja, skemi agroambjentali, u appoġġ wiesa' mis-Sistema Konsultattiva għall-Irziezet u r-riċerka applikata, biex tindirizza l-isfidi tas-sigurtà alimentari, it-tibdil fil-klima, u l-ġestjoni sostenibbli ta' riżorsi naturali, filwaqt li tieħu ħsieb il-kampanja u żżomm l-ekonomija rurali ħajja. Dan jista' jitqies bħala pass importanti fid-direzzjoni t-tajba; madankollu l-implimentazzjoni tiegħu kemm f'termini ta' burokrazija kif ukoll ta' gwadanji involuti tista' tittejjeb aktar. |
4.5 |
Fir-rigward tal-katina tas-sajd, huwa importanti li jiġi żgurat il-bilanċ it-tajjeb bejn dak li hu tajjeb għas-saħħa u dak li hu sostenibbli, hekk kif il-konsum tal-ħut huwa tajjeb għas-saħħa, imma l-pressjoni eċċessiva fuq is-sajd hija spiss kompletament bil-kontra tas-sostenibbiltà ekoloġika. Ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd li saret fl-2013 għandha tikkontribwixxi għal użu aktar effiċjenti ta' riżorsi tas-sajd, b'mod partikolari permezz tal-għan obbligatorju ta' rendiment massimu sostenibbli stabbilit għall-istokks tal-ħut Ewropej kollha. L-iżvilupp sostenibbli tal-mudelli tal-akkwakultura lil hinn mill-kosta u interni huwa importanti wkoll. |
Trawwim tal-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel tul il-katina tal-provvista tal-ikel
4.6 |
Il-pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari jiddikjara l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jilħqu l-mira 12.3 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU li l-ħela tal-ikel tinqata' bin-nofs sal-2030. Biex jiġi appoġġjat it-twassil ta' din il-mira, il-ġerarkija tal-użu tal-ikel għandha tkun prinċipju ta' gwida fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-ikel, u l-inċentivi ekonomiċi għandhom jappoġġjaw dan fil-politiki rilevanti kollha tal-UE. Dan jevita s-sitwazzjoni attwali fejn spiss ikun orħos li l-ikel li jittiekel jispiċċa f'miżbliet milli l-ikel jitħejja u jitwassal f'banek tal-ikel. |
4.7 |
Il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tirrikjedi wkoll żieda fl-isforzi biex jerġgħu jintużaw il-flussi residwi bl-ogħla valur possibbli. Riċerka ġdida li tqabbel l-ispiża tal-preparazzjoni tal-ikel għar-ridistribuzzjoni, għall-għalf tal-annimali, għad-diġestjoni anaerobika u għar-rimi f'miżbliet fl-UE28, tgħin biex tidentifika r-rwol ta' inċentivi ekonomiċi fl-applikazzjoni xierqa tal-ġerarkija tal-iskart tal-UE. Id-donazzjoni tal-ikel mis-setturi tal-ospitalità u tas-servizzi tal-ikel tibqa' sfida u l-leġislazzjoni dwarha mhux mifhuma sew. Dan huwa qasam ewlieni fejn il-gwida Ewropea, iċċirkolata b'mod estensiv fost in-negozji tal-ospitalità, tkun partikolarment utli. |
4.8 |
Il-pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari jidentifika wkoll il-ħtieġa li tiġi ċċarata l-gwida attwali dwar l-użu tal-ikel mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem bħala għalf tal-annimali. Leġislazzjoni robusta li tirregola teknoloġiji ġodda għall-isterilizzazzjoni tal-iskart tal-ikel fuq livell industrijali ċentralizzat tista' tiżgura s-sikurezza mikrobijoloġika tal-għalf tal-annimali filwaqt li jinħolqu impjiegi u opportunitajiet ta' investiment ġodda u jinkisbu l-benefiċċji ambjentali ta' applikazzjoni aktar effikaċi tal-ġerarkija tal-iskart. |
4.9 |
Billi s-sensibilizzazzjoni u l-aċċettazzjoni tal-konsumaturi hija kruċjali, il-provvista ta' materjal tat-tagħlim relatat mal-ikel, is-sostenibbiltà tal-ikel, u l-ħela tal-ikel għandhom isaħħu l-valur tal-prodotti tal-ikel u jappoġġjaw tibdil sistemiku fl-imġiba. Moduli għall-iskejjel primarji u sekondarji, għall-universitajiet, u programmi speċjalizzati fis-setturi tal-biedja, il-manifattura u l-ospitalità, li jibnu fuq firxa wiesgħa ta' prattiki tajba, diġà huma disponibbli. |
4.10 |
L-UE ilha għal numru ta’ snin proattiva fit-trawwim ta’ attivitajiet biex titnaqqas il-ħela tal-ikel. L-eżempju ewlieni tal-UE fit-twettiq tal-mira 12.3 ser ikollu rwol ewlieni fis-suċċess tal-mira globali, pereżempju permezz tat-tixrid ta’ prattiki tajbin u kompetenzi Ewropej. |
Tisħiħ tar-rabta bejn sistemi alimentari u strateġiji dwar it-tibdil fil-klima
4.11 |
L-impatt tat-tibdil fil-klima jinħass fuq id-dimensjonijiet kollha tas-sigurtà alimentari – mhux biss fuq ir-rendimenti u l-għelejjel imma wkoll fuq is-saħħa tal-bdiewa, il-firxa tal-pesti u l-mard, it-telf tal-bijodiversità, in-nuqqas ta' stabbiltà fid-dħul, il-kwalità tal-ilma, eċċ. It-telf ta’ art li tinħarat minħabba d-degradazzjoni tal-ħamrija u l-urbanizzazzjoni tal-art agrikola huma wkoll ta’ tħassib potenzjali. Għalhekk, huwa essenzjali li tinżamm il-prijorità tal-użu tal-art għall-produzzjoni tal-ikel. L-istituzzjonijiet u s-settur privat għandhom rwol kruċjali biex jiżguraw ir-reżiljenza tas-sistemi alimentari, eż. billi jsaħħu l-iskemi tal-protezzjoni soċjali biex inaqqsu x-xokkijiet għall-familji u jiżguraw investiment kontinwu f'teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju fis-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel; itejbu d-diversifikazzjoni tal-għelejjel u l-iżvilupp ta' riżorsi ġenetiċi; jinvestu fi żvilupp agrikolu reżiljenti, kemm fl-irziezet kif ukoll barra mill-irziezet; u jimplimentaw sistemi biex jimmaniġġjaw aħjar ir-riskji relatati mat-tibdil fil-klima. |
4.12 |
Filwaqt li jitqies il-pilastru ekonomiku tas-sostenibbiltà, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kemm il-mitigazzjoni kif ukoll il-potenzjal ta' qbid, filwaqt li fl-istess ħin jipprovdu l-mezzi kollha ta' appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni, u jippromovu mekkaniżmi ta' kooperazzjoni innovattivi ta' sħubija pubblika-privata. L-indikaturi addizzjonali dwar il-gwadanji tal-produttività agrikola, l-art eżistenti, id-dieti, u t-telf u l-ħela tal-ikel jagħtu stampa sħiħa tal-impatt tas-sistemi alimentari fuq it-tibdil fil-klima. |
Promozzjoni ta' dieti aktar tajbin għas-saħħa u aktar sostenibbli
4.13 |
L-għażla ta' ikel tajjeb għas-saħħa hija spiss għażla sostenibbli (14); b’mod partikolari fi ħdan dieta bbilanċjata. Pereżempju, l-ikel aktar staġjonali, lokali u differenti bbażat fuq il-pjanti huwa tajjeb kemm għas-saħħa kif ukoll għall-ambjent. Drawwa ta' ikel aktar tajjeb għas-saħħa tnaqqas ukoll ir-riskju ta' mard kroniku, l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa u t-telf ta' produttività tax-xogħol fl-ekonomija. Huma meħtieġa prinċipji għall-iżvilupp ta' linji gwida djetetiċi tajbin għas-saħħa u sostenibbli, li jistgħu jkunu kkunsidrati mill-Istati Membri. Il-linji gwida djetetiċi u dwar l-akkwist għandhom impatt dirett fuq il-konsum meta jiġu adottati minn istituzzjonijiet pubbliċi, bħal skejjel u sptarijiet. Ta' min jirrikonoxxi wkoll it-tranżizzjoni fin-nutrizzjoni li għaddejja globalment, u r-rwol tal-UE li tipprovdi mudell pożittiv dwar id-dieti sostenibbli. Approċċ “flessitarju” fit-tnaqqis tal-konsum tal-laħam, mill-inqas darba fil-ġimgħa, promoss pereżempju fin-Netherlands, jista’ jitqies bħala eżempju tajjeb f’dan ir-rigward. |
4.14 |
Inizjattivi bħall-iskema tal-UE tal-ikel fl-iskejjel li tinkludi pariri dwar in-nutrizzjoni kif ukoll id-distribuzzjoni ta' prodotti nutrittivi jikkontribwixxu għal dieti aktar ibbilanċjati. Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri jistimulaw il-konsum tajjeb għas-saħħa u sostenibbli. Għandhom jiġu promossi kampanji ta' reklamar viżivi dwar l-ikel tajjeb għas-saħħa madwar l-UE; dan jista' jkun ukoll mod tajjeb kif jiżdied il-konsum lokali matul turbolenzi fis-swieq globali. |
4.15 |
Hekk kif il-konsumaturi draw dejjem iżjed jixtru prodotti tal-ikel bl-irħis, il-valur reali tal-ikel għandu jerġa' jiġi enfasizzat. Prodotti bi prezz baxx ma jqisux l-esternalitajiet, bħall-ispejjeż relatati mat-trattament tal-ilma. Kif intqal hawn fuq, l-edukazzjoni dwar l-ikel hija meħtieġa fl-iskejjel, flimkien ma' fehim ta' mudelli alimentari tajbin għas-saħħa u ħiliet bażiċi ta' tisjir li jistgħu jappoġġjaw saħħa tajba permezz ta' ikliet imħejjija d-dar f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni kif ukoll tnaqqis tal-ħela tal-ikel. |
4.16 |
Huwa nnutat li l-Ministeru Netherlandiż tas-Saħħa, il-Benesseri u l-Isport beda Ftehim għat-Titjib fil-Kompożizzjoni tal-Ikel ma' assoċjazzjonijiet fis-settur tal-produtturi, l-imnut, il-forniment tal-ikel u l-ospitalità, biex il-prodotti jkunu aktar tajbin għas-saħħa, u jippermettu li l-għażla tajba għas-saħħa tkun l-eħfef għażla. Dan il-ftehim jinkludi miri ambizzjużi dwar it-tnaqqis tal-melħ, ix-xaħam saturat u l-kaloriji f'oġġetti tal-ikel b'mod progressiv sal-2020, filwaqt li jiġi mminimizzat it-tibdil evidenti fil-profili tat-togħma (15). Din l-opinjoni titlob għall-implimentazzjoni tal-qafas tal-UE għal inizjattivi nazzjonali dwar nutrijenti magħżula, jiġifieri tal-anness approvat reċentement dwar iz-zokkor miżjud. |
4.17 |
L-iżvilupp ta' prodotti, l-iżvilupp tas-suq u l-bini ta' sħubiji ewlenin jistgħu jgħinu biex l-għażliet aktar tajbin għas-saħħa u sostenibbli jsiru kemm faċli kif ukoll attraenti. L-industrija u s-soċjetà ċivili għandhom jinvestigaw u jaħtfu l-opportunitajiet biex iżidu l-konsum ta' frott u ħaxix staġjonali u lokali u prodotti oħra li b'mod naturali fihom ħafna fibri bħal ikel jew legumi li huma wholegrain. Id-deżinjazzjoni ta' din is-sena bħala s-Sena Internazzjonali tal-Legumi tan-NU hija nnutata bħala punt tat-tluq. |
4.18 |
L-implimentazzjoni ta' sistema tat-tikkettar ċara dwar l-oriġini, il-mezzi tal-produzzjoni u l-valur nutrittiv tal-ikel tiffaċilita l-għażliet tal-konsumaturi. It-traċċabbiltà hija wkoll importanti ħafna kemm għall-produtturi tal-ikel kif ukoll għall-konsumaturi, biex tiġi żgurata s-sikurezza alimentari. Għandha tiġi kkunsidrata tikketta waħda “Ikel sostenibbli”, faċli biex tinftiehem, u l-vijabilità tagħha għandha tiġi vvalutata mill-Kummissjoni. Għandha tiġi promossa aktar enfasi fuq teknoloġiji bħal apps tal-mowbajl, u skrins għall-konsumaturi fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa u traċċabbiltà sħiħa. |
Żvilupp tal-bażi tal-għarfien u mobilizzazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni
4.19 |
Ħafna mill-isfidi fl-indirizzar tas-sikurezza globali tal-ikel u n-nutrizzjoni jeħtieġu l-parteċipazzjoni tal-komunità tar-riċerka biex tiġġenera l-għarfien, trawwem l-innovazzjoni, tinvolvi ruħha mal-pubbliku u tgħin biex tifforma sistema alimentari aktar sostenibbli. Għal dan il-għan kien disponibbli finanzjament konsiderevoli taħt il-programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE, Orizzont 2020, u s-Seba' Programm Qafas preċedenti. Madankollu, ir-riċerka dwar id-dieti, it-telf u l-ħela tal-ikel ma kenitx indirizzata b'mod adegwat u teħtieġ aktar sforzi. Il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-inizjattiva tal-Kummissjoni favur strateġija fit-tul għar-riċerka u l-innovazzjoni agrikola fil-livell Ewropew kif ukoll id-deċiżjoni ambizzjuża l-aktar riċenti mid-DĠ RTD li tiżviluppa strateġija komprensiva għal Żona ta' Riċerka dwar l-Ikel tal-UE. L-Ewropa tkun tista' tippromovi wkoll tranżizzjonijiet nutrizzjonali sostenibbli u t-tnaqqis ta' telf u ħela ta' ikel f'reġjuni globali oħra permezz tal-programm tagħha SWITCH (16). |
4.20 |
Il-Kumitat ta' Tmexxija Xjentifiku tal-UE għall-Expo ta' Milan 2015 identifika sfidi għar-riċerka f'seba' oqsma wiesgħa u enfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' approċċ ta' sistemi u ta' investiment f'riċerka interdixxiplinarja u transdixxiplinarja. It-twaqqif ta’ Bord Internazzjonali dwar is-Sigurtà Alimentari u tan-Nutrizzjoni ġie rrakkomandat ukoll u jkun pass ċar biex jitħeġġeġ approċċ interdixxiplinari u intersettorjali. |
4.21 |
Ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp huma l-fatturi ewlenin tat-tranżizzjoni lejn sistema alimentari sostenibbli, f'konformità mal-objettivi tal-politika dwar il-klima. Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex iżidu l-finanzjament għal ħidma f'dan il-qasam, u jappella għal sforz konġunt fejn is-sejbiet huma kondiviżi bejn il-komunitajiet tar-riċerka, il-prattikanti u partijiet interessati oħra. Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni: Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu (EIP-AGRI) appoġġjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għandha rwol kruċjali fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn il-partijiet interessati diversi u biex tiġi żgurata rabta iktar b’saħħitha bejn il-prattikanti u r-riċerkaturi. Barra minn hekk, l-approċċ b’diversi partijiet taħt Orizzont 2020 huwa għodda importanti biex jiġi żgurat li l-bdiewa jkunu atturi ewlenin fil-proċess. Is-soluzzjoni għal implimentazzjoni b'suċċess tal-innovazzjoni hija li tiġi promossa b'mod attiv permezz ta' korpi konsultattivi u edukattivi lill-utenti finali fis-sistema alimentari kollha kif ukoll li tinvolvi b'mod attiv lill-utenti finali fl-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni. |
4.22 |
Il-KESE jenfasizza li l-użu ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u programmi eżistenti tal-Kummissjoni bħall-Galileo u l-Copernicus għas-settur tal-agrikoltura qed jgħinu biex jittejbu t-tekniki ta' produzzjoni sostenibbli għall-materja prima fl-UE. Il-KESE jappella għal aktar riċerka u żvilupp fl-applikazzjoni tal-ICT fl-oqsma kollha tal-produzzjoni tal-ikel. Dawn it-tekniki huma kruċjali biex jippromovu aktar tekniki tal-produzzjoni tal-ikel preċiżi u aktar effiċjenti fir-riżorsi, il-qbid bikri tal-mard, u disturbi tal-klima u kundizzjonijiet estremi tat-temp. Dan jista' mbagħad iwassal għal anqas telf tal-ikel fil-produzzjoni primarja. Aktar riċerka għandha tiġi indirizzata wkoll biex tivvaluta l-potenzjal ta' tipi innovattivi ta' biedja (bħall-biedja urbana) kif ukoll biex ittejjeb l-għalf tal-annimali. |
Nindirizzaw il-mard tal-annimali u tal-pjanti biex tiżdied ir-robustezza tas-sistema alimentari
4.23 |
Il-firxa tal-pesti u tal-mard tal-annimali u tal-pjanti, iggravata mill-kummerċ globalizzat u mit-tibdil fil-klima, għandha impatt detrimentali fuq is-sistemi alimentari. Tifqigħat riċenti ta' deni tal-ħnieżer Afrikani jew ta' Xylella fastidiosa li taffettwa lis-siġar taż-żebbuġ fin-Nofsinhar tal-Italja huma biss xi eżempji ta' kif il-mard tal-pjanti u tal-annimali jista' jfixkel is-sistema alimentari u jiġġenera telf tal-ikel. Filwaqt li għandu kważi l-aħjar sistema tal-qbid bikri u prevenzjoni fid-dinja, il-qafas tal-politika u leġislattiv tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti jista' jiġi żviluppat u rinfurzat aktar b'fokus aktar b'saħħtu fuq il-prevenzjoni tal-kriżijiet, sorveljanza aħjar u qbid bikri, tħejjija, u ġestjoni, kif ukoll fuq l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta' riskji emerġenti jew ġodda kemm fl-UE kif ukoll barra mill-UE. Diġà jeżisti netwerk ta' laboratorji ta' referenza għall-mard tal-annimali, imma mhux għall-mard tal-pjanti. L-għarfien u r-riċerka huma l-aktar pilastri importanti għall-prevenzjoni. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu anke iżjed ambizzjużi biex jiffinanzjaw b'urġenza ċentri ta' riċerka dwar il-mard tal-annimali u jistabbilixxu laboratorji ta' referenza għall-mard tal-pjanti. Sistemi ta' qbid bikri u prevenzjoni għandhom jiġu rinfurzati wkoll, filwaqt li jiżguraw li l-produtturi tal-ikel u operaturi oħra (eż. ħaddiema agrikoli) jiġu kkumpensati kif xieraq għal kwalunkwe telf, inkluż għal telf imġarrab mill-bdiewa meta jiġu imposti restrizzjonijiet kummerċjali fl-interess pubbliku minħabba tifqigħ ta’ epidemiji. Barra minn hekk, għandha ssir enfasi biex jiġu stabbiliti sistemi tal-biedja aktar diversi li huma aktar robusti f'termini ta' reżistenza għall-istrapazzi bijotiċi. |
4.24 |
L-investiment fir-riċerka għandu jikkonċentra fuq il-prevenzjoni u l-qbid bikri, għaliex il-kura u l-qerda ta' mard kontinwu jistgħu jkunu jiswew ħafna u jkunu ta' tfixkil. Il-bini ta' kapaċità u s-sensibilizzazzjoni huma essenzjali, bħalma hu t-trasferiment tal-għarfien mir-riċerkaturi għall-bdiewa u operaturi oħra. It-trasferiment tal-għarfien u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi huma essenzjali. L-UE għandha tipprovdi liġi mhux vinkolanti, gwida u għodda għal sorveljanza aħjar, filwaqt li l-kontrolli aktar stretti fuq l-importazzjoni huma kruċjali wkoll. L-indirizzar tar-reżistenza għall-antibijotiċi huwa essenzjali wkoll, u għandu jiġi adottat approċċ integrat li jikkombina l-kura tas-saħħa tal-bniedem u veterinarja (approċċ ta' “Saħħa Waħda”). |
Brussell, is-26 ta' Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) HLPE (2014): Food losses and waste in the context of sustainable food systems (Telf u ħela ta' ikel fil-kuntest ta' sistemi alimentari sostenibbli), Rapport tal-HLPE, Ruma: HLPE
(2) http://www.unep.org/resourcepanel/Portals/24102/PDFs/PriorityProductsAndMaterials_Summary_EN.pdf.
(3) COM(2013) 838 final, http://ec.europa.eu/agriculture/genetic-resources/pdf/com-2013-838_mt.pdf
(4) FAO (2011): Telf ta' ikel u ħela ta' ikel globali.
(5) Id-definizzjoni tan-NU tal-ħela u t-tnaqqis tal-ikel tinsab hawnhekk: http://thinkeatsave.org/index.php/be-informed/definition-of-food-loss-and-waste
(6) FUSIONS (2016) Estimates of European food waste levels http://eu-fusions.org/phocadownload/Publications/Estimates%20of%20European%20food%20waste%20levels.pdf.
(7) FUSIONS EU data set 2015; EC Preparatory Study on Food Waste (Studju Preparatorju tal-KE dwar il-Ħela tal-Ikel), 2011 http://eu-fusions.org/index.php/publications, http://ec.europa.eu/environment/eussd/pdf/bio_foodwaste_report.pdf
(8) EEA (2015 http://www.eea.europa.eu/signals/signals-2015/articles/agriculture-and-climate-change
(9) Ara l-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (COM(2013) 216 final)
(10) WHO (2015): Global Health Observatory (GHO) data (Dejta tal-Osservatorju Globali tas-Saħħa – GHO). Disponibbli fuq: http://www.who.int/gho/ncd/risk_factors/obesity_text/en/
(11) WRR (2015): Lejn politika alimentari
(12) Kabinett Netherlandiż (2015) Aġenda alimentari: għal ikel sikur, tajjeb għas-saħħa u sostenibbli.
(13) FAOSTAT, 2015.
(14) Kunsill tas-Saħħa tan-Netherlands, Guidelines for a healthy diet: the ecological perspective (Linji gwida għal dieta tajba għas-saħħa: il-perspettiva ekoloġika), pubblikazzjoni Nru 2011/08, L-Aja: Kunsill tas-Saħħa tan-Netherlands (Gezondheidsraad)
(15) Kamra Inferjuri Netherlandiża 2014-2015, 32793 nru 162
(16) http://www.switch-asia.eu
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/73 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar l-Iżvilupp Sostenibbli Ewropew”
(opinjoni esploratorja)
(2016/C 303/09)
Relatur: |
is-Sinjura Brenda KING |
Korelatur: |
is-Sur Roman HAKEN |
Nhar is-16 ta’ Diċembru 2015, il-Presidenza Netherlandiża li jmiss iddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:
“Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar l-Iżvilupp Sostenibbli Ewropew”
(opinjoni esploratorja).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta' Mejju 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-26 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’148 vot favur, vot 1 kontra u l-ebda astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat jilqa' l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-2030 tan-Nazzjonijiet Uniti. Huwa jqis l-adozzjoni ta' din l-aġenda flimkien mal-ftehim tal-COP 21 ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima bħala avvanz kbir fit-twaqqif ta' kors ta' azzjoni globali sabiex jintemm il-faqar, tingħata promozzjoni lill-prosperità għal kulħadd u jiġu protetti r-riżorsi naturali tal-pjaneta b'mod integrat. |
1.2 |
Il-Kumitat jirrakkomanda li jinħoloq Forum dwar l-Iżvilupp Sostenibbli Ewropew (Il-Forum) fi sħubija mal-Kummissjoni u ma' rappreżentanti mis-soċjetà ċivili bħala pjattaforma li tinvolvi firxa wiesgħa ta' partijiet interessati u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-iffissar tal-qafas għall-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda fl-UE, kif ukoll il-monitoraġġ u r-reviżjoni kontinwa tagħha. |
1.3 |
L-aġenda l-ġdida, bis-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) tagħha, tapplika b'mod universali kemm għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw kif ukoll għal dawk żviluppati u tirrikjedi bidliet ta' trasformazzjoni fuq kull naħa. L-UE u l-Istati Membri ser ikollhom jallinjaw il-politiki tagħhom kollha – mhux biss dawk dwar l-iżvilupp – b'mod bilanċjat u koerenti. |
1.4 |
Bħala waħda mill-forzi fit-tħejjija tal-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħtu eżempju billi jimplimentaw l-Aġenda 2030 fil-prattika u jistabbilixxu l-qafas ta' governanza. Għalhekk, il-Kumitat jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħroġ inizjattiva ġdida fl-2016 Il-passi li jmiss għal futur Ewropew sostenibbli minħabba l-approċċ ġdid u l-aktar urġenti tiegħu li jiżgura t-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà soċjali u ambjentali tal-Ewropa wara l-qafas ta' żmien tal-2020 u li jimplimenta SDGs fil-politiki interni u esterni Ewropej b'mod integrat (1). Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħti prijorità għolja lil din l-inizjattiva, billi tinkorpora wkoll qafas ta' governanza parteċipattiva. Huwa jqis din l-inizjattiva bħala pass neċessarju sabiex jissaħħaħ il-kunċett ta' żvilupp sostenibbli madwar l-Ewropa kollha billi jintroduċi strateġija integrata għal Ewropa sostenibbli f'dinja globalizzata b'orizzont ta' żmien ta' mill-inqas l-2030 li jinkwadra l-implimentazzjoni nazzjonali. |
1.5 |
Il-Kumitat jimpenja ruħu li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-UE. Abbażi tal-esperjenza twila tiegħu fil-komunikazzjoni mas-soċjetà ċivili, il-Kumitat iħossu partikolarment adattat sabiex jikkontribwixxi għal involviment qawwi tas-soċjetà ċivili f'dan il-kuntest. |
1.6 |
Fil-livell tal-UE, jeħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati arranġamenti għal governanza parteċipattiva sabiex jissaħħaħ il-proċess demokratiku u inklużiv tat-teħid tad-deċiżjonijiet u sabiex is-soċjetà ċivili jkollha rwol aktar b'saħħtu. |
1.7 |
Il-Forum dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li ġie rakkomandat mill-KESE, se jiffaċilita d-djalogu u l-komunikazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u partijiet interessati mhux governattivi u bejn partijiet interessati mhux governattivi minn diversi kostitwenzi fuq il-progress lejn l-iżvilupp sostenibbli fl-UE. Se tqajjem għarfien dwar l-Aġenda 2030, tipprovdi dibattitu infurmat u tħeġġeġ is-sjieda fuq in-naħat kollha involuti. |
1.8 |
Il-Kumitat huwa konvint li l-organizzazzjoni tal-Forum ser tkun prattikament fattibbli u ta' benefiċċju għad-diversi partijiet involuti. Dan huwa bbażat fuq investigazzjoni fil-fond dwar din l-opinjoni, inklużi seduti u laqgħat fejn il-partijiet interessati esprimew appoġġ għall-idea li jiġi stabbilit il-Forum, u billi jiġi kkunsidrat l-eżempju ta' suċċess kbir tal-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni. |
1.9 |
Billi l-ġestjoni tal-SDGs f'livelli differenti hija qasam ġdid ta' politika, għadhom iridu jiġu stabbiliti u kkonsolidati oqfsa ta' governanza xierqa fis-snin li ġejjin. Għalhekk, l-istruttura tal-Forum għandha tippermetti flessibbiltà sabiex tkun tista' tiġi allinjata mal-qafas ta' governanza globali li qed jevolvi. |
1.10 |
Il-Forum għandu jinvolvi rappreżentanti minn firxa wiesgħa tas-soċjetà ċivili organizzata u assoċjazzjonijiet tal-partijiet interessati, inkluż is-settur privat u t-trejdjunins. Il-kompożizzjoni għandha tkun kemm jista’ jkun inklużiva, mingħajr ma tikkomprometti l-possibbiltajiet għall-ġestjoni u l-operat effiċjenti tal-Forum. Għandha tkun miftuħa wkoll għal inizjattivi popolari fl-iżvilupp sostenibbli. Il-parteċipazzjoni tal-akkademja u r-riċerka għandha tikkontribwixxi għal dibattitu bbażat fuq il-fatti. |
1.11 |
Il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f'livell għoli hija kruċjali, ser jiġu mistiedna rappreżentanti mill-Kunsill tal-UE u mill-Parlament, u hija mistennija kooperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Kunsilli tas-Sostenibbiltà Nazzjonali u l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali Nazzjonali għandhom ikunu rrappreżentati, flimkien ma' korpi nazzjonali simili ddedikati biex jagħmlu progress fl-iżvilupp sostenibbli. |
1.12 |
Il-Forum għandu jiġi ġestit minn bord kompost minn maġġoranza ta' membri li ġejjin mis-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet ta' partijiet interessati u membri oħrajn mill-Kummissjoni u mill-KESE. |
1.13 |
Il-Forum għandu jkun inkorporat sewwa fil-proċessi tal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u r-reviżjoni tal-SDGs. Huwa għandu jiġi organizzat bħala proċess ta' ħidma kontinwu, jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena u jindirizza fl-istess waqt it-tħejjija tal-UE għall-Forum Politiku ta' Livell Għoli annwali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli. Il-Forum għandu jservi bħala pjattaforma għal diskussjoni dwar id-disinn, l-istruttura u l-modalitajiet tal-qafas tal-UE għall-implimentazzjoni tal-SDGs. Barra minn hekk, il-Forum għandu jiffaċilita l-involviment tal-kostitwenza tiegħu fir-reviżjonijiet intergovernattivi tal-SDGs tal-Istati Membri. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Waqt is-Summit dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, li sar bejn il-25 u s-27 ta' Settembru 2015, il-mexxejja dinjija adottaw l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, inkluż sett ta' 17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) li għandhom jintlaħqu sal-2030. |
2.2 |
Għar-reġjun Ewropew, l-UE ser ikollha rwol ewlieni fl-integrazzjoni tal-aġenda l-ġdida fil-politiki Ewropej, fil-komunikazzjoni tagħha, fid-definizzjoni tal-kisbiet ewlenin, fil-koordinazzjoni u l-għoti ta' gwida, kif ukoll fil-monitoraġġ tal-progress u l-iżgurar tal-kwalità tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari (nazzjonali). |
2.3 |
Sabiex jiġu implimentati l-SDGs, għandhom jiġu implimentati mekkaniżmi ta' governanza xierqa fil-livell globali, reġjonali, nazzjonali u lokali. Abbażi ta' approċċ parteċipattiv u billi jibnu fuq il-prinċipji ta' trasparenza, responsabbiltà u awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini, il-komunitajiet lokali, in-negozji, it-trejdunjins, l-NGOs u parteċipanti oħrajn mis-soċjetà ċivili għandu jkollhom rwol attiv fil-livelli kollha tal-politika. |
2.4 |
Fir-rapport ta' informazzjoni (2) tiegħu, il-Kumitat investiga l-mudelli għall-involviment tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 fl-UE u ressaq rakkomandazzjonijiet għal governanza parteċipattiva msaħħa. Il-Forum suġġerit jibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin ta' dan ir-rapport. |
2.5 |
Wara l-preżentazzjoni tar-rapport fil-Kummissjoni, fl-HLPF tan-NU, fil-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill u f'konferenzi oħrajn, il-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill talbet lill-Kumitat sabiex iħejji opinjoni esploratorja dwar kif jista' jiġi stabbilit, ġestit u ffinanzjat b'mod prattiku mekkaniżmu għall-involviment tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE sabiex dan isir għodda effettiva għall-governanza parteċipattiva tal-Aġenda 2030. Ir-rakkomandazzjonijiet minn din l-opinjoni għandhom jiffaċilitaw id-deċiżjonijiet politiċi li ġejjin dwar l-introduzzjoni ta' strument bħal dan. |
3. L-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet interessati fl-iżvilupp sostenibbli
3.1 |
Il-proċess li wassal għall-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030 kien ibbażat fuq djalogu parteċipattiv wiesa' mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet interessati, li jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-iżvilupp tal-SDGs fil-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan l-approċċ inklużiv għandu jiġi segwit minħabba li s-soċjetà ċivili għandha rwol ewlieni f'kull stadju taċ-ċiklu tal-politika dwar is-sostenibbiltà (jiġifieri l-iffissar ta' għanijiet u miri, l-istabbiliment ta' strateġiji ta' implimentazzjoni u programmi ta' politika, implimentazzjoni u monitoraġġ). Jista’ jsir progress fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli biss meta jiġi direttament minn negozji, komunitajiet lokali u ċittadini impenjati u innovattivi. |
3.2 |
Waħda mis-sejbiet ewlenin tar-rapport ta' informazzjoni preċedenti tal-KESE kienet li l-involviment tal-partijiet interessati fl-iżvilupp sostenibbli jaħdem l-aħjar jekk jiġi organizzat bħala proċess strutturat u kontinwu minflok jitwettaq abbażi ta' konsultazzjonijiet ad-hoc jew konsultazzjonijiet topiċi solitarji. Proċess strutturat jagħti ċ-ċans lill-partijiet interessati jippjanaw bil-quddiem u jagħmlu kontribuzzjonijiet li saret riċerka sew fuqhom. |
3.3 |
L-eżistenza ta’ diversi definizzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’dan il-kuntest għandha tiġi rikonoxxuta. Filwaqt li minn ċerti partijiet issir distinzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, involuti fil-protezzjoni ta’ oġġetti kollettivi u s-settur privat, il-Kumitat għandu għarfien wiesa’ tas-“soċjetà ċivili organizzata” fejn din tinkludi l-gruppi u l-organizzazzjonijiet kollha fejn nies jaħdmu f’kooperazzjoni u jesprimu l-pożizzjonijiet tagħhom, inklużi organizzazzjonijiet tas-settur privat, trejdjunjins u gruppi ta’ interess oħrajn (3). Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-opinjoni huma bbażati fuq fehim wiesa’ tas-soċjetà ċivili, li jkopri l-partijiet interessati kollha mhux governattivi b’mod wiesa’ u inklużiv billi l-involviment tal-gruppi u s-setturi kollha huwa meħtieġ sabiex tiġi indirizzata l-isfida tal-implimentazzjoni tal-SDGs. |
4. Forum dwar l-Iżvilupp Sostenibbli Ewropew – valur miżjud
4.1 |
Il-Kumitat għandu esperjenza twila fil-komunikazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mis-setturi kollha u l-ħolqien ta' valur permezz ta' djalogu u azzjoni konkreta ma' dawk li jfasslu l-politika Ewropea. Il-Kumitat ilu jippromovi Aġenda ambizzjuża għall-2030 b'bosta opinjonijiet u sensiela ta' konferenzi u sessjonijiet ta' ħidma, organizzati flimkien mal-Kummissjoni u ma' diversi korpi tan-Nazzjonijiet Uniti. Fl-okkażjoni tan-negozjati tal-Aġenda 2030 dawn ipprovdew pjattaforma għal djalogu tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE. Il-Kumitat jipproponi issa li din il-prattika tiġi żviluppata aktar sabiex issir struttura permanenti u aktar stabbli. |
4.2 |
Abbażi tal-valutazzjoni tar-rapport, il-Kumitat għandu l-ħsieb li jwaqqaf Forum dwar l-Iżvilupp Sostenibbli Ewropew (il-Forum) fi sħubija mal-Kummissjoni u ma' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata u tal-partijiet interessati. |
4.3 |
Il-Forum għandu jipprovdi pjattaforma regolari, stabbli, strutturata u indipendenti għad-djalogu mas-soċjetà ċivili dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-livell tal-UE. Għandu jiffoka fuq il-kompiti li ġejjin:
|
4.4 |
Il-valur miżjud ta' dan il-Forum ser ikun
|
4.5 |
Il-Forum joffri opportunità għal djalogu msaħħaħ, għat-trawwim tal-kunsens u għall-analiżi bir-reqqa tal-kontroversji. Huwa ma jitkellimx f'isem l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lanqas ma jissostitwixxi l-kampanji ta' appoġġ b’organizzazzjonijiet parteċipattivi. Il-Kumitat japprezza l-ħidma effettiva tal-NGOs u ta' alleanzi oħrajn favur implimentazzjoni ambizzjuża tal-Aġenda 2030 fl-UE. Huwa jistieden lil dawn kollha sabiex jipparteċipaw fil-Forum, billi jużawh bħala pjattaforma għall-promozzjoni tal-messaġġi tagħhom u jinvolvu ruħhom fi djalogu ma' firxa usa' ta' partijiet interessati u l-istituzzjonijiet tal-UE. |
4.6 |
Bil-proposta tiegħu, il-Kumitat jibni wkoll fuq l-esperjenzi pożittivi ta' bosta Stati Membri tal-UE bil-kontribut effettiv tal-Kunsilli Nazzjonali għas-Sostenibbiltà (NSCs) fit-teħid ta' deċiżjonijiet domestiċi mill-gvern, mill-komunitajiet lokali u mill-korporazzjonijiet, billi jirrifletti fuq id-dibattitu usa' dwar is-sostenibbiltà. Il-membri tal-NSCs jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili, lill-gruppi ta' appoġġ u lill-assoċjazzjonijiet ta' partijiet interessati flimkien mal-assoċjazzjonijiet korporattivi u trejdunjonistiċi. Maħtura mill-gvern, id-disinn istituzzjonali tagħhom jista’ jvarja skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. Mingħajr ma jissostitwixxu approċċi ta’ difiża leġittimi dawk il-Kunsilli jagħmlu kuntatt ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-ogħla livell u joperaw fuq bażi wiesgħa ta’ attivitajiet u kompiti:
|
4.7 |
L-eżempju tal-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni (FEM) juri l-benefiċċji ta' pjattaforma simili għall-Forum, organizzata mill-KESE. Il-FEM twaqqaf bħala l-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni fl-2009 mill-Kummissjoni Ewropea b'kooperazzjoni mal-KESE (4). Minħabba s-suċċess tal-Forum, ġie deċiż li l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jitwessa' sabiex ikun jinkludi suġġetti relatati mal-immigrazzjoni u l-ażil. Huwa jlaqqa' flimkien madwar 200 parteċipant, inklużi madwar 120 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, 20 rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE u istituzzjonijiet tal-UE. |
4.8 |
Fl-2012, id-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp waqqaf b’suċċess kbir il-“Forum tal-Politika għall-Iżvilupp” fil-livell tal-UE bħala spazju għal djalogu b'bosta partijiet interessati ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivli u awtoritajiet lokali mill-UE u minn pajjiżi msieħba sabiex jiżguraw il-konsultazzjoni u l-kontribut effettivi tagħhom għall-politiki u l-programmi ta' żvilupp tal-UE. Il-parteċipanti jinkludu NGOs fil-qasam tal-iżvilupp, trejdjunjins, kooperattivi, fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet filantropiċi, awtoritajiet lokali, kmamar tal-kummerċ, organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, organizzazzjonijiet umanitarji jew li jagħtu l-għajnuna, organizzazzjonijiet ambjentali u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Madankollu, il-Forum tal-Politika tkopri biss aspetti tal-politika esterna u tal-iżvilupp tal-UE, b’mod partikolari billi tipprovdi djalogu profond mas-soċjetà ċivili dwar il-politika tal-iżvilupp u proġetti. Dan jikkomplementa b’mod ideali l-aġenda usa' tal-iżvilupp sostenibbli li qed jimmira għaliha l-Forum dwar l-Iżvilupp Sostenibbli Ewropew u n-neċessità tagħha li tintegra l-aspetti interni u esterni tal-SDGs. Fil-prattika, parti kbira tad-diskussjoni f’dan il-Forum se tittratta l-implimentazzjoni interna tal-SDGs fl-UE. Il-ħidma tal-Forum ser ikollha tiġi kkoordinata mill-qrib mal-Forum tal-Politika għall-Iżvilupp sabiex jinħolqu sinerġiji. |
5. Il-karatteristiċi/pedamenti ewlenin ta' Forum dwar l-Iżvilupp Sostenibbli Ewropew
5.1 |
Billi l-SDGs huma bla preċedenti u l-oqfsa ta' governanza għadhom fil-proċess tal-iżvilupp, l-istruttura tal-Forum għandha tagħti attenzjoni speċjali fuq l-aspetti ta' governanza li għadhom qegħdin jiġu żviluppati u tinżamm flessibbli. Il-Forum ser ikollu jintegra ruħu fiċ-ċiklu sħiħ tal-politika tal-iżvilupp sostenibbli. Għal dan il-għan, huwa ser ikun jeħtieġ evalwazzjoni dettaljata ladarba jibdew jieħdu l-forma l-oqfsa ta' governanza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għall-Aġenda 2030. |
5.2 |
Wara li investiga l-karatteristiċi ewlenin tal-Forum fit-tħejjija ta' din l-opinjoni, il-Kumitat huwa konvint li t-tnedija inizjali tiegħu għandha tkun tikkonsisti mill-elementi li ġejjin. |
5.3 Parteċipanti
5.3.1 |
Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ partijiet interessati mhux governattivi, l-għan huwa li jkun inklużiv kemm jista’ jkun, kif indikat fil-punt 3.3, u jinkludi rappreżentanti minn
|
5.3.2 |
Gruppi tas-soċjetà ċivili li l-interessi tagħhom normalment mhumiex rappreżentati sew fil-livell tal-UE għandhom ikunu involuti. Il-parteċipanti għandhom jinkludu wkoll mhux biss rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet, iżda inizjattivi u atturi ġenwini fl-iżvilupp sostenibbli li jistgħu jġibu magħhom l-esperjenza mill-aħjar prattika. |
5.3.3 |
Il-kompożizzjoni għandha tiżgura li s-setturi u l-gruppi ta' partijiet interessati differenti jkunu rrappreżentati b'mod bilanċjat u li d-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp sostenibbli jkunu koperti kif xieraq. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata wkoll l-enfasi tematika speċifika differenti ta' kull laqgħa. Dan iwassal sabiex il-gruppi ewlenin għall-politiki dwar l-iżvilupp sostenibbli jkunu rrappreżentati b'mod permanenti, filwaqt li l-parteċipazzjoni ta' oħrajn tkun tiddependi fuq l-enfasi tematika speċifika. Il-gruppi ewlenin huma dawk li jsegwu s-17-il SDG kollha u jiffokaw fuq il-kwistjonijiet ta' governanza globali. Il-parteċipazzjoni ta' gruppi fokus speċjali ser tkun ibbażata fuq sejħa miftuħa li tistabbilixxi l-aġenda ta' kull laqgħa. |
5.3.4 |
Is-Sħubija tal-Forum għandha tirrifletti l-governanza fuq bosta livelli, kif ukoll il-kontinwità u l-flessibbiltà fl-għarfien espert. L-enfasi ewlenija ser tkun fuq l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-livell Ewropew. Mil-livell nazzjonali u dak sottonazzjonali, il-Kunsilli għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-KES u l-komunitajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu rrappreżentati fil-Forum. Għandha tiġi antiċipata l-kooperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni. |
5.3.5 |
Mil-lat istituzzjonali, il-Kummissjoni, b'mod partikolari l-Viċi President responsabbli mill-koordinazzjoni tal-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli, għandha tkun preżenti fil-laqgħat u tiġi mistiedna tipprovdi preżentazzjonijiet u tinvolvi ruħha fi djalogu mal-partijiet interessati. Għandhom jiġu mistiedna r-rappreżentanti tal-Kunsill tal-UE u tal-Parlament Ewropew. |
5.3.6 |
Ir-riċerka u x-xjenza għandhom ikunu rrappreżentati fil-Forum. L-involviment tal-pilastru xjentifiku jista' jiffaċilita wkoll l-interfaċċja tal-politika dwar ix-xjenza fl-implimentazzjoni tal-aġenda 2030 fil-livell tal-UE. |
5.3.7 |
Ser ikollu jiġi pprovdut finanzjament għall-ivvjaġġar u għall-akkomodazzjoni lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b'kapaċità limitata sabiex jipparteċipaw. |
5.3.8 |
Sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-kontinwità u l-flessibbiltà, l-għażla tal-parteċipanti mhux permanenti għandha ssir qabel kull laqgħa tal-Forum, billi tittieħed f'kunsiderazzjoni l-enfasi tematika tal-laqgħa u abbażi ta' sejħa miftuħa. Proċedura simili hija applikata b'suċċess għall-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni. |
5.3.9 |
Sabiex tiġi żgurata l-inklussività u l-fiduċja, il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni għandhom ikunu trasparenti u l-parteċipanti ser jintalbu jirreġistraw fir-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE u l-prinċipji adatti, bħalma huma l-Prinċipji ta' Istanbul għall-Effettività tal-Iżvilupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (5). |
5.4 Organizzazzjoni u ġestjoni
5.4.1 |
Id-diversi funzjonijiet tal-Forum għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni sabiex l-istatus istituzzjonali u d-disinn organizzazzjonali tiegħu jiġu definiti kif xieraq. L-indipendenza u l-kredibbiltà tal-Forum huma ta' valur kbir. Il-governanza tal-Forum ser tkun ċara u trasparenti kemm jista' jkun possibbli, sabiex b'hekk jiġi evitat kull nuqqas ta' ċarezza tar-responsabbiltajiet. |
5.4.2 |
Il-Forum għandu jkun ospitat u kkoordinat mill-KESE bħala l-korp iddedikat sabiex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE. |
5.4.3 |
It-tħejjija tal-laqgħat għandha tiġi ġestita minn bord b'kompożizzjoni mħallta ta' rappreżentanti mis-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet ta' partijiet interessati, li jkunu jifformaw il-maġġoranza tal-membri tal-bord, kif ukoll rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-KESE. Kif inhu l-każ bil-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni, il-membri tal-bord jistgħu jiġu eletti mill-parteċipanti tal-Forum dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, abbażi ta' prinċipju ta' rotazzjoni. |
5.5 Il-proċess ta' ħidma u l-laqgħat
5.5.1 |
Il-Forum għandu jitfassal bħala proċess ta' ħidma kontinwu. Kull sena ser isiru laqgħat regolari akkumpanjati minn laqgħat ta' tħejjija, bħala “laqgħat fi spazju miftuħ”, gruppi ta' ħidma u kooperazzjoni kontinwa bbażata fuq pjattaformi onlajn permezz tal-użu ta’ metodi innovattivi għall-organizzazzjoni ta’ proċessi ta’ komunikazzjoni u avvenimenti. |
5.5.2 |
Il-kompożizzjoni u l-mod kif jaħdem il-Forum għandhom jirrispettaw id-dritt tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti li jiddefinixxu l-kontribuzzjonijiet tagħhom b'mod indipendenti u organizzati minnhom stess. |
5.5.3 |
Il-Forum ser jagħmel ħiltu biex ikun hemm konnessjoni sinifikanti mal-proċess ta' implimentazzjoni tal-SDGs fil-livell Ewropew u fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Istati Membri, b'mod korrispondenti. Fil-livell tal-Istati Membri, il-gvernijiet nazzjonali huma mistennija li jadattaw għall-għanijiet universali u li jirrapportaw lura lin-Nazzjonijiet Uniti fejn ikun ġie stabbilit il-Forum Politiku ta' Livell Għoli (LPF) tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli sabiex jiggwida u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030. Il-Forum għandu jiltaqa' fil-plenarja mill-inqas darba fis-sena qabel il-laqgħa annwali tas-sajf tal-HLPF sabiex l-eżitu jkun jista' jintuża. |
5.5.4 |
Fir-rigward l-għażla taż-żmien għal laqgħat oħra, għandha tingħata attenzjoni lis-Semestru Ewropew, in-negozjati baġitarji, u l-programm ta’ ħidma tal-KE. Il-Forum għandu jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ pari mis-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati fi skemi ta’ reviżjoni bejn il-pari emerġenti mill-gvernijiet tal-Istati Membri li attwalment qed jiġu esplorati min-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli. |
5.5.5 |
Punt ta’ referenza importanti ieħor għall-involviment tal-partijiet interessati fil-monitoraġġ jingħata permezz ta’ rapporti ta’ monitoraġġ dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 fl-UE, b’mod partikolari ir-rapporti ta’ monitoraġġ tal-Eurostat li fil-każ tad-dibattiti fil-Forum jistgħu jipprovdu bażi solida ta’ għarfien. |
5.6 L-iffissar tal-aġenda
5.6.1 |
L-aġenda tal-laqgħat tal-plenarja għandha tiffoka regolarment fuq il-progress u l-modalitajiet tal-Aġenda 2030 b'mod komprensiv. Barra minn hekk, l-aġenda tista' tiffoka fuq tema speċifika, li tirrifletti grupp ta' SDGs jew tema ta' importanza orizzontali għal ħafna SDGs (pereżempju, it-tnaqqis bin-nofs tal-faqar u tal-inugwaljanza b'mod simultanju). L-aġenda għandha titfassal b'mod li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni tal-partijiet interessati li ġejjin minn sfondi differenti. |
5.6.2 |
Billi l-Forum għandu jaġixxi bħala korp indipendenti u trasparenti, il-parteċipanti ser jiġu kkonsultati fil-proċess tal-iffissar tal-aġenda permezz tal-bord ta' tmexxija tal-Forum. |
5.7 Il-bażi tal-għarfien
5.7.1 |
Sabiex ikunu effettivi u sinifikanti, id-dibattiti tal-Forum għandhom jibnu fuq bażi ta' għarfien eċċellenti. Għandu jkun mistenni li l-Eurostat ser jipproċedi bir-rapporti ta' kull sentejn tiegħu (6) li jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030 fl-UE. Dawn ir-rapporti ser jifformaw parti mill-bażi ta' għarfien għad-diskussjoni fil-Forum. |
5.7.2 |
Fil-proċess għandha tiġi inkluża informazzjoni minn sorsi indipendenti, bħal rapporti u inizjattivi mis-soċjetà ċivili organizzata, mill-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u mill-Kunsilli tas-Sostenibbiltà, mid-dinja akkademika, mill-korpi ta' riċerka, bħas-sistema ta’ ġestjoni tal-għarfien IISD dwar l-SDGs, u mill-aġenziji Ewropej, kif ukoll attivitajiet ta' monitoraġġ taċ-ċittadini. L-għoti tal-informazzjoni jista’ jkun appoġġat minn pjattaformi onlajn. Sabiex jinkiseb għarfien espert billi jiġu mistiedna esperti jew tinbeda riċerka, il-Forum għandu jagħmel ħiltu biex ikollu rabtiet ma’ kapaċitajiet ta' riċerka eżistenti. |
5.7.3 |
Bl-użu ta’ esperjenzi ta’ prattika tajba minn Kunsilli Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Forum għandu jistabbilixxi rabtiet ma’ istituzzjonijiet għall-iffinanzjar tar-riċerka u jibda riċerka transdixxiplinarja fit-trasformazzjoni lejn l-iżvilupp sostenibbli madwar l-Ewropa. |
5.8 Eżitu
5.8.1 |
Ir-riżultat tal-laqgħat tal-Forum u l-proċessi għal dibattiti għandhom jinġabru fil-qosor f’rapporti jew permezz ta’ metodi oħra ta’ dokumentazzjoni adatti. Ir-rappreżentanti kollha għandhom jaraw il-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom jiġu riflessi fid-dokumentazzjoni tar-riżultati. Ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti ta' interess hija r-responsabbiltà tal-Bord. Ir-riżultat għandu jipprovdi wkoll l-opportunità għal organizzazzjonijiet parteċipanti biex jippreżentaw ir-riżultati u r-rapporti tagħhom. |
5.8.2 |
Jekk jiġu prodotti rapporti tal-progress regolari dwar l-iżvilupp sostenibbli mill-Eurostat jew mill-Kummissjoni, il-Forum jissuġġerixxi li s-sejbiet tiegħu jitqiesu bħala “shadow report” minn perspettiva tas-soċjetà ċivili. |
5.8.3 |
Għandu jiġi żgurat li l-eżitu jiġi inkorporat fil-ħidma tal-Kummissjoni u tal-Istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn fuq l-Aġenda 2030 u li kwalunkwe rispons jiġi mmonitorjat mill-qrib. |
5.8.4 |
Eżitu ieħor jista' jkun sensiela ta' djalogi Ewropej ma' gruppi ta' interess speċjali jew gruppi ta' nies fil-mira oħrajn, pereżempju, iż-żgħażagħ bħala membri tal-ġenerazzjoni li ġejja tal-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet li ser jilħqu l-età tal-irtirar fis-sena 2050. |
5.8.5 |
Barra minn hekk, il-Forum jista' jagħżel li jistabbilixxi forom ġodda ta' interazzjoni. L-istabbiliment ta' Premju Ewropew ta' Sostenibbiltà huwa konċepibbli u dan jista' jingħata għal azzjoni u tmexxija straordinarja min-naħa tas-soċjetà ċivili. |
5.9 Finanzjament
5.9.1 |
Il-KESE jista’ jipprovdi l-infrastruttura teknika tiegħu u l-ġestjoni tas-segretarjat. Il-finanzjament għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar meħtieġ għall-parteċipanti u l-kelliema kif ukoll il-ġestjoni ta’ pjattaformi onlajn u l-produzzjoni ta’ rapporti u dokumenti tar-riżultati ser ikollu jiġi investigat ma’ msieħba f’kooperazzjoni. |
Brussell, is-26 ta' Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) COM(2015) 610 final.
(2) Rapport ta’ informazzjoni, EESC-2015-1169 tas-17.9.2015, ir-rapport kien akkumpanjat minn studju ta' riċerka mill-Forum ta' Partijiet Interessati, Building the Europe We Want – Models for civil society involvement in the implementation of the Post-2015 agenda (“Nibnu l-Ewropa li rridu – Mudelli għall-involviment tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-aġenda ta' wara l-2015”), ikkummissjonat mill-Kumitat, Ġunju 2015.
(3) Artikolu 300(2) tat-TFUE
(4) Opinjoni tal-KESE dwar “Elementi għall-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ pjattaforma għal parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni fil-livell Komunitarju ta’ politiki għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, ĠU C 27 3.2.2009, p 95.
(5) http://cso-effectiveness.org/InternationalFramework.
(6) http://ec.europa.eu/eurostat/en/web/products-statistical-books/-/KS-GT-15-001.
III Atti preparatorji
IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
il-517 Sessjoni Plenarja tal-KESE fis-25 u t-26 ta' Mejju 2016
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/81 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-Istandardizzazzjoni Ewropea għall-2016”
[COM(2015) 686 final]
(2016/C 303/10)
Relatur: |
is-Sur Patrick LIÉBUS |
Nhar il-5 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2016”
[COM(2015) 686 final].
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Mejju 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’141 vot favur u 6 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Din l-Opinjoni tiffoka fuq it-tema ċentrali tal-inklużività tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. Din l-għażla hija dovuta għall-fatt li l-organizzazzjonijiet ANEC, ECOS, ETUC u SBS, magħrufin taħt l-isem “l-organizzazzjonijiet tal-Anness III”, b’relazzjoni mar-Regolament UE (Nru) 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huma lkoll rappreżentati mill-KESE. Huwa għalhekk li, bħala “d-dar” tas-soċjetà ċivili, il-KESE jixtieq jiffoka fuq it-trasparenza u l-inklużività tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. |
1.2 |
Il-KESE rrikonoxxa wkoll ir-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li tindirizza fil-fond l-aspetti ta’ natura strateġika tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni fil-qafas tal-programmi annwali ta’ ħidma. |
1.3 |
Fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet tal-Anness III u s-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni, il-KESE jistieden lill-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni jagħtu lill-organizzazzjonijiet tal-Anness III status speċifiku ta’ membri/msieħba, bid-drittijiet u l-obbligi proprji tagħhom. Dan għandu jiġi konkretizzat permezz tal-għoti ta’ dritt illimitat ta’ appell u setgħa konsultattiva lill-organizzazzjonijiet tal-Anness III, anke f’dak li jirrigwarda l-istandards ta’ interess pubbliku. |
1.4 |
Filwaqt li jagħraf li d-delegazzjoni nazzjonali hija waħda mill-prinċipji fundamentali tal-istandardizzazzjoni Ewropea, il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-proċess ta’ standardizzazzjoni għall-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà, kif ukoll ir-rappreżentanti tagħhom fil-livell nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-KESE jipproponi li fil-livell nazzjonali jiddaħħal l-aċċess b’xejn għall-kumitati korrispondenti – l-hekk imsejħin “kumitati mera” –għall-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi rispettivi tagħhom. |
1.5 |
Il-KESE jfakkar fir-rwol fundamentali tal-“konsulenti tal-approċċ il-ġdid” u jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontribut tagħhom għall-evalwazzjoni tal-konformità tal-istandards mal-politiki tal-Unjoni fil-qafas tal-istandardizzazzjoni armonizzata. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni li tiżgura ż-żamma tal-attivitajiet tagħhom fuq perjodu twil ta’ żmien. |
1.6 |
Fl-aħħar nett, il-KESE jitlob li jsir segwitu komprensiv tal-isforzi tal-atturi prinċipali tal-istandardizzazzjoni, u dan sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni tal-inklużività tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. Il-KESE jista’ jiżgura dan is-segwitu billi joħloq forum ad hoc dwar l-inklużività tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. Dan il-korp ikun inkarigat mill-organizzazzjoni ta’ seduta pubblika annwali bil-għan li jiġi vvalutat il-progress f’dan il-qasam. |
2. Il-Komunikazzjoni fi ftit kliem
2.1 |
Il-Kummissjoni wriet f’komunikazzjoni l-viżjoni strateġika tagħha għall-istandardizzazzjoni Ewropea u implimentat il-qafas legali korrispondenti permezz tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013. Wieħed mill-elementi ġodda li ddaħħlu b’dan ir-Regolament huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tadotta programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea. |
2.2 |
Il-programm ta’ ħidma huwa maħsub biex itejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni, billi juri l-viżjoni u l-proġetti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istandardizzazzjoni għas-sena li ġejja. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tirrevedi s-sħubija tagħha mas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni sabiex tiżgura l-parteċipazzjoni adegwata tal-partijiet ikkonċernati kollha (l-industrija, l-SMEs, il-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet ambjentali, il-ħaddiema, eċċ.). |
2.3 |
Fost il-prijoritajiet strateġiċi għall-istandardizzazzjoni Ewropea nsibu l-adozzjoni ta’ pjan fil-qasam tal-istandards prijoritarji tal-ICT, kif ukoll l-istandardizzazzjoni tas-servizzi. Il-pjan fil-qasam tal-istandards prijoritarji tal-ICT ser jikkompleta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni għall-preżentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali 2016 għall-istandardizzazzjon u jfakkar fil-kontribut kruċjali tal-istandards fl-istrutturar tas-suq intern u fil-kompetittività tal-kumpaniji. Kif ġie indikat fl-Opinjoni tiegħu INT/590 ta’ Settembru 2011 (1), il-programm annwali għall-istandardizzazzjoni jirrappreżenta vantaġġ reali fir-rigward tat-trasparenza, l-ippjanar u l-previżjoni, b’mod partikolari għall-atturi u l-partijiet ikkonċernati tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. |
3.2 |
Il-KESE bi pjaċir jilqa’ dan il-programm annwali 2016 peress li jippermetti aġġornament tad-diskussjonijiet attwali, iżda fuq kollox iġib valur reali lill-ippjanar futur. Il-KESE għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji aħjar il-programmi annwali tal-futur, billi tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati dwar l-aspetti tekniċi u strateġiċi, u billi tippubblika l-programm ta’ ħidma f’Lulju tas-sena preċedenti. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontenut tal-prijoritajiet fis-setturi differenti. |
3.3 Prijorità mogħtija lill-inklużività
3.3.1 |
Il-partijiet ikkonċernati li dejjem kellhom aċċess diffiċli u inqas għas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni, jiġifieri l-konsumaturi, l-interessi ambjentali, il-ħaddiema u l-SMEs – rappreżentati mill-organizzazzjonijiet ANEC, ECOS, ETUC u SBS, magħrufin bħala “l-organizzazzjonjiiet tal-Anness III” fid-dawl tar-Regolament Ewropew (UE) Nru 1025/2012, kif ukoll il-membri nazzjonali tagħhom – huma lkoll rappreżentati mill-KESE. Għalhekk, filwaqt li jirrikonoxxi l-kontribut fundamentali u l-isfidi ta’ parteċipazzjoni li ffaċċjaw b’mod ġenerali partijiet oħra kkonċernati fl-iżvilupp tal-istandards, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – bħala d-“dar” tas-soċjetà ċivili – jixtieq jiffoka l-parti l-kbira tal-isforzi tiegħu fuq it-trasparenza u l-inklużività tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. |
3.3.2 |
F’dan il-kuntest, l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 għalhekk titlob attenzjoni speċifika, li l-Kummissjoni tenfasizza ġustament fil-Komunikazzjoni. Min dan toħroġ b’mod partikolari l-ħtieġa li jitjiebu t-tixrid u l-pubblikazzjoni tar-rapporti previsti fl-Artikolu 24 tar-Regolament, kif ukoll il-komunikazzjoni u l-informazzjoni dwar dawn tal-aħħar. |
3.3.3 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni li ssegwi mill-qrib il-progress u l-isforzi ta’ kull attur tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni biex is-sistema ssir aktar inklużiva. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni taqdi rwol proattiv, b’mod partikolari bħala korp ta’ konfinazjament tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. |
3.3.4 |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-konklużjoni tal-proċess ta’ finanzjament tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III u jitlob għal semplifikazzjoni amministrattiva addizzjonali kif ukoll għall-adozzjoni ta’ perspettiva aktar fit-tul, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ strateġija pluriennali minn dawn l-entitajiet. |
3.4 L-inizjattiva komuni għall-istandardizzazzjoni
3.4.1 |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta ta’ inizjattiva komuni għall-istandardizzazzjoni u bi pjaċir jilqa’ l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fis-sistema, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-Anness III, bħala sinjal essenzjali ta’ tnedija mill-ġdid tas-sħubija pubblika-privata, li hija l-bażi tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. F'dan il-kuntest, il-KESE jixtieq jenfasizza li huwa importanti ħafna li l-azzjonijiet proposti fil-verżjoni finali tal-inizjattiva komuni għall-istandardizzazzjoni jkunu maħsubin għal inklużività aħjar u jkunu jikkontribwixxu b’mod ċar għal dan il-għan, sabiex jippermettu s-sjieda tal-partijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-Anness III. |
3.4.2 |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja l-proposta ta’ azzjoni bħala parti mill-inizjattiva komuni għall-istandardizzazzjoni, li tkopri analiżi sabiex jinftiehmu aħjar il-possibbiltajiet u l-isfidi tal-implimentazzjoni b’xejn tal-istandards, pereżempju fil-kuntest ta’ studju dwar l-impatt ekonomiku u soċjali tal-istandards. |
3.5 L-azzjoni tal-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni
3.5.1 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rwol tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) u l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) bħala organizzazzjonijiet indipendenti, newtrali u professjonali, li għandhom regoli u proċeduri li jiżguraw ir-rispett tal-prinċipji bażiċi tad-WTO fil-qasam tal-istandardizzazzjoni, kif ukoll dak tal-prinċipji imposti mir-Regolament (UE) Nru 1025/2012. |
3.5.2 |
Sabiex titjieb il-parteċipazzjoni tal-atturi kollha fl-istandardizzazzjoni, il-KESE jistieden lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni biex jagħtu lill-organizzazzjonijiet tal-Anness III status speċifiku ta’ membri/msieħba, li għandhom drittijiet u obbligi partikolari, skont l-istatus u r-rwol rispettivi tagħhom, b’mod partikolari b’aċċess sħiħ għall-korpi tekniċi u għall-istandards tekniċi li qegħdin jiġu stabbiliti, b’konformità ma’ politika ta’ kunfidenzjalità li tqis il-ħtieġa ta’ konsultazzjoni. Il-KESE jipproponi li titnieda diskussjoni dwar l-aċċess b’xejn, minħabba l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-finanzjament tal-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni u tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III. |
3.5.3 |
Il-KESE jipproponi wkoll li jerġa’ jiddaħħal dritt illimitat ta’ appell għall-organizzazzjonijiet tal-Anness III, inkluż fir-rigward tal-ħidma li ma kinux inklużi direttament fiha sa mill-bidu, u li jingħataw setgħa konsultattiva matul ir-ratifika tal-istandards. |
3.5.4 |
Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza ta’ standardizzazzjoni inklużiva u ta’ kwalità. Il-KESE jixtieq ifakkar li l-veloċità tal-produzzjoni u tal-pubblikazzjoni tal-istandards ma tistax titqies bħala għan fih innifsu, fuq kollox jekk din tfixkel l-għan tal-KESE, li huwa l-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III fi ħdan is-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. Fil-fatt, il-KESE jwissi lis-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni kontra kull deċiżjoni li, minħabba r-rapidità, tillimita l-parteċipazzjoni u l-ftuħ. |
3.5.5 |
Il-KESE jfakkar li l-inklużjoni tal-partijiet ikkonċernati hija possibbli biss bil-parteċipazzjoni tagħhom u f’qafas ta’ trasparenza. Sabiex jiġi enfasizzat, imsaħħaħ u implimentat il-prinċipju tad-delegazzjoni nazzjonali, il-KESE jinsisti fuq l-importanza ta’ aċċess faċilitat għall-proċess ta’ standardizzazzjoni għall-SMEs kif ukoll ir-rappreżentanti tagħhom fil-livell nazzjonali, li għadu sfida, kif jissemma fil-punt 4 tal-Komunikazzjoni. |
3.5.6 |
F'dan ir-rigward, il-KESE jipproponi li fil-livell nazzjonali jiddaħħal l-aċċess b’xejn għall-hekk imsejħa “kumitati mera” għall-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà kif ukoll l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi rispettivi tagħhom. Il-faċilità ta’ parteċipazzjoni u ta’ kontribut hija wkoll partikolarment importanti matul il-fażi ta’ konsultazzjoni pubblika, li matulha ma għandux ikun hemm ostakli prattiċi u tekniċi. |
3.6 Il-vademecum ġdid dwar l-istandardizzazzjoni u l-gwidi għall-organizzazzjonijiet tal-Anness III
3.6.1 |
Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-“Vademecum dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea” ġdid, il-Kumitat jifraħ lill-Kummissjoni għall-istedina li saret lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni biex iħarrġu l-korpi u l-persunal tekniku tagħhom dwar il-kontenut u l-miżuri inklużi f’dan id-dokument il-ġdid. |
3.6.2 |
Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tiżgura t-tixrid, il-fehim u l-użu tal-vademecum mis-servizzi kollha tal-Kummissjoni Ewropea li jixtiequ jagħmlu użu mill-istandardizzazzjoni għall-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej. Ikun utli wkoll li t-tixrid jiġi żgurat, b’informazzjoni rilevanti, permezz tas-sit web tal-Kummissjoni Ewropea. |
3.6.3 |
Il-Kumitat fuq kollox jixtieq jenfasizza l-importanza tal-għarfien, min-naħa ta’ dawk responsabbli għall-korpi tekniċi tal-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni, tal-gwidi differenti CEN-CENELEC għall-abbozzar tal-istandards, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-partijiet interessati tas-soċjetà u tal-SMEs (jiġifieri l-gwidi 2, 5 u 17 tas-CEN-CENELEC kif ukoll il-gwida 4 tas-CEN). Il-Kumitat, f’dan il-kuntest, jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjonijiet li diġà bdew mis-CEN-CENELEC mal-grupp ta’ ħidma tal-SMEs (SME Working Group) u l-grupp ta’ ħidma tal-partijiet interessati tas-soċjetà (Societal Stakeholders Working group) u jitlob li dawn jissoktaw permezz ta’ miżuri konkreti u ambizzjużi. Ta’ min jenfasizza l-fatt li dawn il-gwidi tas-CEN-CENELEC għandhom jintużaw matul il-proċess tal-istandardizzazzjoni, sa minn meta ssir id-diskussjoni dwar l-opportunità li jiġi żviluppat standard sal-pubblikazzjoni tiegħu. |
3.7 L-istandardizzazzjoni tal-ICT u tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fl-istandardizzazzjoni
3.7.1 |
Il-KESE jistaqsi dwar il-valur miżjud tal-“Pjan Prijoritarju tal-Istandards fis-Settur tal-ICT” propost fil-kapitolu 3.1 tal-Komunikazzjoni. Dan id-dokument jidher li jikkostitwixxi żieda mhux meħtieġa fil-“Pjan Rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT” kif ukoll fil-programm annwali tal-istandardizzazzjoni. Il-Kumitat jibża’ li jkun hemm dupplikazzjoni tas-sorsi u tal-livelli tal-prijorità, li jistgħu jikkumplikaw is-segwitu tad-dibattitu u l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati. |
3.7.2 |
Fil-qasam tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, il-Kumitat iwissi kontra l-iżbilanċ eżistenti bejn l-utenti u d-detenturi ta’ Privattiva Essenzjali għal Standard (PES), b’mod partikolari fil-każijiet fejn SME innovattiva ma tkunx tista’ tkun taf in-numru ta’ privattivi li hija x’aktarx għandha tapplika u li ser iżżomm. Il-KESE jipproponi għalhekk lill-ETSI biex ifassal gwida għan-negozjar ta’ ftehimiet ta’ liċenzjar tal-PES, għall-benefiċċju tal-SMEs u billi jiġu applikati l-kundizzjonijet FRAND (“fair, reasonable, and non-discriminatory” – ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji). |
3.7.3 |
Fir-rigward tal-kriterji FRAND, il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa għal definizzjoni aħjar ta’ dawn il-prinċipji, sabiex jinftiehmu l-iskop u l-implimentazzjoni prattika. |
3.7.4 |
F’dan il-kuntest, il-KESE jitlob ukoll lill-ETSI biex itejjeb il-kwalità u t-trasparenza tal-bażijiet tad-data dwar id-dikjarazzjonijiet fuq id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Dan huwa fundamentali sabiex tiġi żgurata ċerta prevedibbiltà għall-utenti ta’ PES u jassigura lill-SMEs innovattivi dwar l-ispejjeż u l-proċedura tan-negozjar tal-ftehimiet ta’ liċenzjar imsemmijin hawn fuq. |
3.8 Il-“konsulenti tal-approċċ il-ġdid”
3.8.1 |
Il-KESE jfakkar fir-rwol fundamentali tal-“konsulenti tal-approċċ il-ġdid” imsemmijin fil-kapitolu 7.2 tal-Komunikazzjoni u jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontribut indispensabbli tagħhom għal evalwazzjoni affidabbli tassew tal-konformità tal-istandards mal-leġislazzjoni u l-politiki tal-Unjoni fil-qafas tal-istandardizzazzjoni armonizzata. |
3.8.2 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda – espressa mill-Kummissjoni fil-paragrafu 7.2 tal-Komunikazzjoni – biex tiġi żgurata d-disponibbiltà fit-tul ta’ din l-evalwazzjoni. Il-Kumitat jixtieq isaħħaħ is-supremazija ta’ din l-evalwazzjoni indipendenti fir-rigward ta’ kull evalwazzjoni oħra interna mwettqa mill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni. |
3.8.3 |
Il-KESE jixtieq li l-indipendenza ta’ dawn il-konsulenti tissaħħaħ aktar, possibbilment permezz tar-reklutaġġ dirett ta’ “konsulenti tal-approċċ il-ġdid” mill-Kummissjoni Ewropea. |
3.9 It-talbiet ta’ standardizzazzjoni u l-mandati
3.9.1 |
Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza tal-proċess ta’ tħejjija tal-mandati Ewropej li l-Kummissjoni tibgħat lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni sabiex titlob li jiġi żviluppat standard. Il-KESE jitlob lill-KE biex tagħmel il-proċess iżjed trasparenti u inklużiv, b’mod partikolari għall-organizzazzjonijiet tal-Anness III. |
3.9.2 |
Il-KESE jenfasizza l-importanza li ssir verifika tal-konformità tar-riżultat tal-istandard prodott mal-għan inizjali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari li l-qasam ta’ applikazzjoni ma jiġix estiż matul il-ħidma. |
3.9.3 |
Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-ħidma ta’ tħejjija tal-istandardizzazzjoni, b’mod partikolari biex jiġi evalwat l-impatt ekonomiku u soċjetali tal-istandards u sabiex ikun possibbli li jiġu definiti l-partijiet ikkonċernati interessati u li jiġu involuti fil-ħidma ta’ standardizzazzjoni. |
3.10 |
Fir-rigward tal-kooperazzjoni internazzjonali, il-KESE jenfasizza d-diffikultajiet konsiderevoli li għadhom jiltaqgħu magħhom l-organizzazzjonijiet tal-Anness III biex isegwu dil-ħidma, u jistieden lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni, kif ukoll lill-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, biex jisfruttaw il-mezzi kollha possibbli fir-rigward tal-ftehimiet tagħhom ta’ kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u l-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC) sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari meta l-ħidma tkun marbuta ma’ talba ta’ standardizzazzjoni tal-Kummissjoni. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 |
Il-KESE jista’ joħloq forum ad hoc dwar l-inklużjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. Il-ħsieb huwa li dan il-forum, li jiltaqa’ regolarment u mill-inqas darba f’sena, ilaqqa’ l-membri tal-Kumitat li jixtiequ jikkontribwixxu għall-parteċipazzjoni u l-konsiderazzjoni tal-partijiet ikkonċernati – b’mod partikolari l-partijiet interessati tas-soċjetà u l-SMEs. L-organizzazzjonjiet tal-Anness III ikunu mistiedna regolarment għal-laqgħat ta’ dan il-forum. |
4.1.1 |
Dan il-forum, fost oħrajn, jista’ ikun inkarigat biex jorganizza seduta pubblika annwali dwar it-tema tal-inklużività tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni. Bħala parti minn dan l-avveniment, il-KESE jkun jista’ jistieden lill-atturi tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni u lill-Kummissjoni Ewropea għas-seduti pubbliċi dwar ir-rapporti tal-attivitajiet previsti fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, bil-għan li jitjiebu l-għarfien u t-tixrid. Il-KESE jkun jista’ japprofitta minn din l-okkażjoni biex jinvolvi lill-Parlament Ewropew f’din l-attività. |
4.1.2 |
Dan il-forum jista’ jkun responsabbli wkoll biex jiffinanzja studju dwar il-kompożizzjoni tal-“kumitati mera” nazzjonali, sabiex jiġu evalwati r-rappreżentanza u l-inklużività. |
Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) ĠU C 376, 22.12.2011, p. 69
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/86 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi”
[COM(2016) 31 final — 2016/0014 (COD)]
(2016/C 303/11)
Relatur: |
is-Sur Jan SIMONS |
Nhar l-4 ta' Frar u nhar il-11 ta' Frar 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi”
(COM(2016) 31 final – 2016/0014 (COD)).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Mejju 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’157 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa' l-proposta tal-KE u l-għan tagħha li ttejjeb l-effettività tal-qafas legali għall-kisba ta' għanijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali, waqt li tikkontribwixxi biex trawwem l-indipendenza u r-responsabbiltà fis-sistema. Madankollu għandha tiġi enfasizzata l-importanza li tinħoloq leġislazzjoni bbilanċjata tajjeb, kif ukoll il-bżonn li jiġu stabbiliti miżuri kosteffiċjenti effettivi. |
1.2 |
Sabiex jitnaqqsu d-differenzi fl-interpretazzjoni u r-riġidità fl-applikazzjoni madwar l-Istati Membri, il-KESE jappoġġja l-bidla proposta minn direttiva għal regolament. Il-KESE jissuġġerixxi bil-qawwi li jsir l-istess fil-futur bir-regoli kollha tas-suq intern, fejn xieraq. |
1.3 |
Dan l-eżerċizzju ta' reviżjoni jinvolvi l-adozzjoni ta' firxa ta' atti leġislattivi u s-sinkronizzazzjoni ta' numru ta' skadenzi. Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill huma mħeġġa jadottaw skeda ta’ żmien adatta u ambizzjuża għall-adozzjoni tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni, li attwalment hija nieqsa. |
1.4 |
Il-preskrizzjonijiet dettaljati ta' sorveljanza tas-suq għandhom l-għan li b'mod effikaċi jeskludu l-prodotti mhux konformi minn dan is-suq speċifiku. Madankollu, huwa neċessarju li jiġu implimentati miżuri effettivi u kosteffiċjenti, b'mod speċjali dawk li jħallu impatt fuq l-operazzjonijiet tas-suq u l-ispiża tal-prodott. Hija essenzjali sistema sempliċi u effettiva għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha involuti, speċjalment l-attivitajiet tal-Istati Membri. |
1.5 |
It-titjib fid-deżinjazzjoni, il-verifika perjodika u l-funzjonament tas-servizzi tekniċi huma elementi pożittivi, imma qed jiġu proposti numru ta' rekwiżiti onerużi u żejda li jżidu l-ispejjeż u d-dewmien kemm għall-amministrazzjonijiet kif ukoll għall-manifatturi mingħajr ma jwasslu għal benefiċċji reali. |
1.6 |
Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri iżjed dettaljati biex jiġi introdott b'mod iżjed effiċjenti l-kunċett il-ġdid tal-validità għal perjodu ta' żmien għaċ-ċertifikati ta' approvazzjoni. |
1.7 |
Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjoni aktar kjarifiki u semplifikazzjoni tal-proċeduri u r-rekwiżiti li jħallu impatt fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, flimkien mas-swieq niċċa, il-parts tal-bdil u l-komponenti. Jirrakkomanda wkoll li l-approvazzjoni tat-tip tal-prodotti tas-suq ta' wara l-bejgħ li jħallu impatt fuq il-prestazzjoni tas-sikurezza u ambjentali tiġi meqjusa u regolata kif xieraq. |
2. Introduzzjoni u kuntest
2.1 |
L-industrija tal-karozzi hija attur ewlieni fl-ekonomija tal-UE. Fl-2012 ipprovdiet 2,3 miljun impjieg dirett u 9,8 miljun impjieg indirett. Madwar 75 % tal-komponenti tat-tagħmir oriġinali u tat-teknoloġija għall-vetturi ġejjin minn fornituri indipendenti. Il-fatturat jammonta għal total ta' EUR 859 biljun, li jirrappreżenta 6,4 % tal-prodott domestiku gross tal-UE. |
2.2 |
Il-qafas legali għas-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE huwa d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), li tistabbilixxi l-proċeduri għall-approvazzjoni ta' vetturi ġodda, karrijiet u s-sistemi u l-komponenti tagħhom biex jiġu żgurati standards ta' sikurezza u dawk ambjentali. Hemm bżonn ta’ sebgħin regolament tekniku speċifiku, li ħafna minnhom huma regolamenti internazzjonali stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti. |
2.3 |
Dispożizzjonijiet ġenerali li jikkonċernaw is-sorveljanza tas-suq japplikaw skont ir-Regolament (KE) 2008/765 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
2.4 |
Il-Kummissjoni kienet diġà bdiet tirrevedi l-qafas legali għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur fl-2010. |
2.5 |
Il-qafas attwali ġie kkritikat b'mod partikolari sa minn Settembru 2015, wara li ġie żvelat li Volkswagen kienet użat “apparat ta' manipulazzjoni”, tip ta' softwer speċjali biex jevita r-rekwiżiti dwar l-emissjonijiet. Fl-2016, il-Kummissjoni indikat li “l-mekkaniżmi biex jiżguraw l-implimentazzjoni u l-infurzar armonizzati tal-qafas legali attwali mhumiex robusti biżżejjed” u “li, b'riżultat ta' diverġenzi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tar-regoli”, minn Stati Membri, “l-għanijiet prinċipali tad-Direttiva ġew imminati”. |
2.6 |
Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni dwar din il-proposta tidentifika spiża kbira għall-vetturi u l-parts li mhumiex konformi, li tista’ tammonta għal EUR 12-il biljun fis-sena. |
3. Test propost mill-Kummissjoni
3.1 |
Ir-riżultati prinċipali ta' konsultazzjoni pubblika (li twettqet fl-2010), valutazzjoni tal-impatt u kontroll tal-idoneità (2013), flimkien mal-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni “CARS 2020: Pjan ta’ Azzjoni għal industrija tal-karozza kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa” (2012), jitolbu għal reviżjoni tal-proċeduri għas-sorveljanza tal-prodotti tal-karozzi fis-suq tal-UE biex jiġi żgurat li l-vetturi u l-parts kollha jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji, filwaqt li fl-istess ħin jiġu limitati l-piżijiet amministrattivi, jiġu appoġġjati r-riċerka u l-iżvilupp ta' prodotti innovattivi, tiġi inkoraġġuta l-armonizzazzjoni internazzjonali u jitqiesu l-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u medji. |
3.2 |
Il-proposta ser tgħin biex jinkisbu tliet għanijiet:
|
3.3 |
Fost miżuri oħra, il-Kummissjoni tipproponi li timmodifika s-sistema ta' rimunerazzjoni biex jiġu evitati r-rabtiet finanzjarji bejn il-laboratorji tal-ittestjar u l-manifatturi, li jistgħu jwasslu għal kunflitti ta' interess u jikkompromettu l-indipendenza tal-ittestjar. Il-proposta tipprovdi wkoll għal kriterji ta' prestazzjoni iżjed strinġenti għal dawn is-servizzi tekniċi, li għandhom jiġu vverifikati b'mod regolari u indipendenti biex jiksbu u jżommu d-deżinjazzjoni tagħhom. L-awtoritajiet nazzjonali tal-approvazzjoni tat-tip se jkunu soġġetti għal evalwazzjonijiet bejn il-pari biex jiġi żgurat li r-regoli rilevanti jiġu implimentati u infurzati b'mod rigoruż madwar l-UE. |
3.4 |
Din il-proposta tistabbilixxi skema għall-ġestjoni u l-koordinazzjoni ta' verifiki għal għarrieda fuq vetturi u parts ġodda u dawk diġà fit-triq, u tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li twettaq verifiki u li tagħti bidu għal sejħiet lura. |
4. Kummenti ġenerali
4.1 |
Il-KESE jilqa' l-proposta tal-KE b'mod globali, u jenfasizza l-importanza li tinkiseb leġislazzjoni bbilanċjata sew. L-effetti ta' din il-proposta ser jirriżultaw fl-istabbiliment ta' miżuri li huma ta' benefiċċju f'sens ta' nfiq li kapaċi:
|
4.2 |
Aspett wieħed li jeħtieġ l-attenzjoni huwa l-iskeda ta' żmien għall-introduzzjoni ta' rekwiżiti u proċeduri ġodda li tagħti lill-amministrazzjonijiet u lill-manifatturi biżżejjed żmien minn qabel biex jadattaw. Din l-iskeda ta' żmien għandha tkun ukoll sinkronizzata bis-sħiħ mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni relatati kollha li se jiġu adottati fil-futur qrib mill-Kummissjoni. |
4.3 |
Qed issir enfasi mġedda fuq is-sorveljanza tas-suq u qed jiġu introdotti preskrizzjonijiet ġodda ddedikati biex jindirizzaw is-sitwazzjoni speċifika ta' dan is-settur tas-suq. Madankollu, għandhom jittieħdu passi biex tiġi evitata l-proliferazzjoni ta' kontrolli komparabbli u l-multiplikazzjoni ta' talbiet għal informazzjoni simili sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet fis-suq u piżijiet u spejjeż eċċessivi, u l-oġġetti relatati mas-sorveljanza tas-suq għandhom jinkisbu bil-prezzijiet tas-suq; f'dan ir-rigward, għandha tiddaħħal fis-seħħ sistema robusta u effettiva għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha involuti (awtorità ta' sorveljanza tas-suq, operaturi tas-suq, manifattur, awtorità tal-approvazzjoni tat-tip), waqt li jitqiesu wkoll l-aħjar prattiki li jeżistu ġewwa u/jew barra l-Ewropa. |
4.4 |
Il-KESE jappoġġja l-għan tat-trawwim tal-effikaċja tal-qafas tal-approvazzjoni tat-tip billi jitnaqqsu d-differenzi fl-interpretazzjoni u r-riġidità fl-applikazzjoni madwar l-Istati Membri u billi s-sistema legali kollha ssir iżjed robusta. L-ewwel pass ’il quddiem hija l-bidla proposta mid-Direttiva 2007/46/KE għall-istrument legali ta' regolament tal-UE li huwa meqjus l-iżjed xieraq. Il-KESE jissuġġerixxi bil-qawwi li jsir l-istess fil-futur bir-regoli kollha tas-suq intern, fejn xieraq. |
4.4.1 |
Il-proposta tqiegħed importanza kbira fuq it-titjib tal-proċeduri għad-deżinjazzjoni u l-verifika perjodika tas-servizz(i) tekniku(/ċi) maħtur(a) mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip bħala laboratorju tal-ittestjar. Dan jista' jitqies bħala karatteristika pożittiva. Madankollu, il-proposta għandha r-riskju li tistabbilixxi rekwiżiti onerużi u żejda li jistgħu jżidu l-ispejjeż u d-dewmien ta' żmien mingħajr l-ebda benefiċċju reali, li probabbilment jirriżultaw f'implimentazzjoni inadegwata. Barra minn hekk, verifika eċċessiva tal-kwalifiki tas-servizzi tekniċi, inklużi l-verifiki doppji jew il-kontroverifiki bejn l-awtoritajiet minn Stati Membri differenti, kif ukoll il-frekwenza proposta tal-verifiki, ma jidhrux kosteffiċjenti u jistgħu jkunu f’kontradizzjoni mas-sistema ta’ approvazzjoni tal-UNECE. |
4.4.2 |
Il-prinċipji iżjed riġidi u stretti b'mod konsiderevoli għall-invalidazzjoni ta' ċertifikati tal-approvazzjoni tat-tip, b'mod speċjali fil-każ ta' nuqqasijiet ta' konformità minuri jew amministrattivi, jidhru li qed imorru kontra l-prinċipji ta' “regolamentazzjoni aħjar” u m'għandhomx iwasslu, kif propost issa, għall-interruzzjoni tal-bejgħ tal-prodotti. |
4.4.3 |
L-iskema proposta għal struttura tat-tariffi nazzjonali, li tistipula kif l-Istat Membru għandu jiġbor u jimmaniġġja d-dħul derivat mill-attivitajiet tal-approvazzjoni tat-tip tidher sproporzjonata u ta' theddida għall-awtoritajiet iżgħar li ma jkunux kapaċi joffru servizzi ta' valur. |
4.5 |
Kunċett kompletament ġdid huwa relatat mal-validità ta’ żmien ta' ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip, li jiskadi wara 5 snin, bil-possibbiltà li jiġġedded jekk l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tiċċertifika li għadu konformi mar-regoli applikabbli. Din il-miżura l-ġdida tista' tgħin b'mod effikaċi biex tnaqqas in-numru ta' ċertifikati “invalidi”, imma l-kumplessità estrema u n-natura estensiva ta' dawn iċ-ċertifikati, li jinkludu mijiet ta' subċertifikati bi skadenzi differenti, b'kull wieħed marbut ma' fornitur differenti tal-partijiet jew tal-komponenti, jeħtieġu proċeduri iżjed dettaljati u robusti minn dawk deskritti fil-proposta. |
4.5.1 |
Għandu jkun ċar jekk u kif dawn il-proċeduri huma relatati wkoll mal-approvazzjoni tal-komponent jew sistema, li għalihom, f'kwalunkwe każ, l-approvazzjonijiet tat-tip mogħtija taħt il-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) jistgħu jiġu rregolati biss taħt il-qafas legali korrispondenti. |
4.6 |
Sabiex jissaħħaħ il-profil tal-istrateġiji tal-vetturi u l-parametri speċifiċi tal-funzjonament li jistgħu jinfluwenzaw il-prestazzjoni tas-sikurezza u dik ambjentali, il-proposta tobbliga lill-manifatturi biex lill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip jagħtuha aċċess sħiħ għal kwalunkwe softwer jew algoritmu. Dawn ir-rekwiżiti huma pjuttost wiesgħa u jeħtieġu preskrizzjonijiet aktar dettaljati, li jkunu mmirati lejn il-każijiet differenti u jagħmluha ċara li l-kunfidenzjalità industrijali għandha dejjem tiġi osservata. |
4.7 |
Il-proposta għandha l-ħsieb li tirrevedi l-proċeduri u r-rekwiżiti li jħallu impatt fuq intrapriżi żgħar u medji u fuq prodotti niċċa. Il-KESE jilqa' l-ħsieb li jiġu ċċarati u ssemplifikati iżjed il-proċeduri li jikkonċernaw:
|
4.7.1 |
Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-approvazzjoni tat-tip tal-prodotti tas-suq ta' wara l-bejgħ li jħallu impatt fuq il-prestazzjoni tas-sikurezza u ambjentali tiġi meqjusa u regolata kif xieraq. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1 |
“Tmiem tas-serje” hija proċedura meħtieġa biex tippermetti r-reġistrazzjoni ta' vetturi li jibqgħu mhux mibjugħa għal raġunijiet kummerċjali filwaqt li l-approvazzjoni tat-tip tagħhom tkun skadiet minħabba ostakoli tekniċi għat-titjib għal rekwiżiti ġodda. Din il-proċedura diġà hija fis-seħħ, imma tagħti lil kull Stat Membru d-dritt li jaġixxi b'mod indipendenti. Il-KESE b'mod partikolari jilqa' l-proposta għall-armonizzazzjoni tal-proċedura fil-livell Ewropew, imma t-test propost għadu jagħti d-dritt lill-Istati Membri li jirrifjutaw jew jillimitaw il-proċedura. Proċedura tassew Ewropea biss tista’ tipprovdi ċ-ċertezza u l-istabbiltà meħtieġa biex jiġi sostnut s-suq uniku tal-UE. |
5.1.1 |
It-test “tmiem tas-serje” jeħtieġ iżjed kjarifika u korrezzjonijiet editorjali, filwaqt li r-restrizzjonijiet taż-żmien jistgħu jiġu ssemplifikati iżjed sabiex jitnaqqas l-impatt ekonomiku fuq il-volumi tal-bejgħ li huma relattivament marġinali meta mqabbla mas-suq kollu. |
5.2 |
Iċ-“Ċertifikat ta' Konformità” elettroniku diġà jeżisti f'xi Stati Membri u proġett mifrux mal-Ewropa, “EReg”, wasal biex jiffinalizza proċedura għar-“reġistrazzjoni elettronika” tal-vetturi mingħajr dokumenti stampati. Żewġ sistemi, is-Sistema Ewropea għall-Iskambju tal-Approvazzjonijiet tat-Tip, “ETAES”, u l-Bażi ta' Data tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iskambju ta' Approvazzjonijiet tat-Tip, “DETA”, jittrattaw l-arkivjar elettroniku ta' ċertifikazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip. Kien ikun xieraq li l-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha inċentiv għall-introduzzjoni minnufih ta’ proċeduri armonizzati Ewropej għall-preżentazzjoni u l-iskambju elettroniċi ta’ informazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip u d-data tar-reġistrazzjoni f’bażi ta’ data elettronika komuni u waħda tal-UE b’aċċess għall-pubbliku sakemm tkun tippermetti l-kunfidenzjalità industrijali. Dan għandu jwassal għal tnaqqis fil-burokrazija u ffrankar tal-ispejjeż u tal-ħin għall-amministrazzjonijiet, il-manifatturi u l-konsumaturi, flimkien ma’ benefiċċji ambjentali. |
5.3 |
Ir-reviżjoni tat-test leġislattiv mhijiex konsistenti mas-sistema attwali tan-numerazzjoni u l-identifikazzjoni tal-oġġetti, li ilha fis-seħħ għal ħafna snin. Tibdil fis-sistema tan-numerazzjoni mhuwiex iġġustifikat u jkun kumplikazzjoni enormi u joħloq aktar burokrazija kemm għall-amministrazzjonijiet kif ukoll għall-manifatturi u jkun raġonevoli li jiġi previst li jseħħu diversi żbalji minħabba din ir-raġuni, u dan iwassal għal aktar spejjeż u dewmien. Dossier tal-approvazzjoni tat-tip jista' faċilment ikun fih mijiet ta' paġni ta' informazzjoni, b'eluf ta' linji nnumerati. |
5.4 |
Fil-proċedura l-ġdida tat-“tmiem tas-serje”, qed jiġi propost li tiġi stampata xi informazzjoni speċifika fuq iċ-Ċertifikat ta' Konformità (Certificate of Conformity – CoC) ta' kull vettura unika inkwistjoni, imma dan ma jkunx prattiku għaliex is-CoC ikun ġeneralment stampat qabel ma l-vettura tidħol fis-suq u għalhekk la jkun possibbli u lanqas effettiv li tiżdied iżjed data fi stadju ulterjuri, għaliex il-vetturi li ma jinbiegħux ma jistgħux ikunu identifikati mill-bidu nett. Jekk tkun meħtieġa iżjed informazzjoni għal numru partikolari ta' vetturi f'ċertu żmien, jista' mbagħad jiġi pprovdut dokument separat mill-manifattur, f'konformità mal-proċedura attwali. |
5.5 |
Qed jiġi propost li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip jingħataw perjodu ta' tliet xhur biex fih ifasslu applikazzjoni għall-approvazzjoni ta' serje żgħira nazzjonali u jiddeċiedu jekk jaċċettawhiex jew le. Dan jidher li se jkun dewmien eċċessiv, b'mod speċjali għal negozji żgħar, u jista' jitnaqqas għal xahrejn. |
Brussell, il-25 ta' Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) ĠU L 263, 09.10.2007, p. 1.
(2) ĠU L 218, 13.08.2008, p. 30.
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/91 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta’ ċerti data”
[COM(2016) 56 final – 2016/0033 (COD)]
u dwar
“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli fir-rigward ta’ ċerti dati”
[COM(2016) 57 final – 2016/0034 (COD)]
(2016/C 303/12)
Relatur:
is-Sur Daniel MAREELS
Nhar il-25 ta' Frar 2016, il-Parlament Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' ċerti dati”
[COM(2016) 56 final – 2016/0033 (COD)]
Nhar il-25 ta’ Frar 2016. il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli fir-rigward ta’ ċerti dati”
[COM(2016) 57 final – 2016/0034 (COD)].
Is-Sezzjoni Specjalizzata ghas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni taghha nhar l-10 ta’ Mejju 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tas-26 ta’ Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni bi 132 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda (1).
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
B’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi msemmija fl-Opinjoni, il-Kumitat jaċċetta l-proposti tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jipposponu b’sena, mit-3 ta’ Jannar 2017 għat-3 ta’ Jannar 2018, l-applikazzjoni tar-regoli kollha tal-MiFID II. Dan il-posponiment huwa allegatament ġġustifikat mill-fatt li rriżultaw għadd ta’ problemi tekniċi – u tal-informatika – importanti u mill-fatt li posponiment parzjali muwiex daqsekk evidenti, peress li dan, min-naħa l-oħra, iwassal għal numru ta’ kwistjonijiet diffiċli oħra fir-rigward ta’ ċarezza, ċertezza legali, distorsjonijiet potenzjali fis-suq u spejjeż u investimenti addizzjonali. Madankollu, il-Kumitat jitlob li jsir kull sforz sabiex jiġi evitat aktar dewmien fl-applikazzjoni tal-MiFID II u sabiex jiġi żgurat li r-regoli dwar il-ħarsien tal-investituri ma jiġux kompromessi fil-prattika matul il-perjodu ta’ differiment. Sakemm jitnieda r-reġim il-ġdid, fejn xieraq, jeħtieġ li r-regoli eżistenti tal-MiFID I jibqgħu japplikaw mingħajr ma jiġu modifikati. |
1.2 |
Din ir-rakkomandazzjoni hija aktar valida fid-dawl tal-fatt li fil-passat, il-Kumitat kien diġà appella għal ċerti riformi għas-swieq finanzjarji (1) u ħeġġeġ li jiġu implimentati malajr, bħal meta ġiet adottata l-MiFID II fl-2014. Il-MiFID II hija verżjoni riveduta u mtejba tad-Direttiva Ewropea MiFID (2) introdotta fl-2007, (MiFID I) u l-introduzzjoni tar-Regolament MiFIR (3). Fil-qosor dan ifisser li l-MiFID II għandha l-għan li tagħmel is-swieq finanzjarji Ewropej aktar effettivi u trasparenti u li tipprovdi aktar protezzjoni għall-investituri. |
1.3 |
Meta b’mod partikolari ġie kkonsultat dwar ir-reviżjoni u t-tisħiħ tal-MiFID, il-Kumitat iddikjara li “L-għan ewlieni tad-Direttiva hu li żżid it-trasparenza u l- effiċjenza tal-kummerċ u li tillimita l-volatilità tas-swieq, iżda wkoll li ssaħħaħ l-integrità tal-intermedjarji u l-protezzjoni tal-investituri u li tiftaħ is-swieq Ewropej għal kompetizzjoni reali fil-provvista tas-servizzi finanzjarji. Il-KESE jappoġġja dawn għanijiet u jemmen li b'mod globali l-proposta tmur fid-direzzjoni t-tajba” (4). L-għanijiet u l-applikazzjoni tat-testi l-ġodda m’għandhom bl-ebda mod jiġu affettwati ħażin minn dan il-posponiment. |
2. Sfond
2.1 |
Ir-regolazzjoni tas-swieq finanzjarji ħadet triq ġdida minn mindu tfasslet il-MiFID I fl-2007 bl-għan aħħari li jiġu promossi swieq ġusti u trasparenti. Id-Direttiva primarjament għamlet titjib fil-qasam tal-kompetizzjoni u l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq finanzjarji Ewropej. Il-MiFID I fissret li s-suq jiġi liberalizzat għall-eżekuzzjoni. Il-kompetizzjoni bejn il-pjattaformi tan-negozjar żdiedet, u s-suq sar iktar frammentat. Ġew introdotti wkoll regoli sabiex jiġu protetti kemm l-investiment kif ukoll l-integrità tas-suq. |
2.2 |
B’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja, kien hemm appelli għal aktar superviżjoni u superviżjoni aktar stretta. Ġew identifikati wkoll nuqqasijiet fir-rigward tal-protezzjoni tal-investitur u fl-operat u t-trasparenza tas-swieq finanzjarji. Barra minn hekk, kellu jitqies għadd ta’ żviluppi tekniċi ġodda fis-suq, pereżempju fir-rigward tan-negozjar ta’ frekwenza għolja u agoritmiku. |
2.3 |
Dan wassal sabiex il-qafas eżistenti jinbidel u jissaħħaħ. Dan il-proċess twettaq fl-2014 permezz tal-MiFID II u, b’rabta ma’ dan, ġie introdott il-MiFIR. Dawk it-testi għandhom jissostitwixxu l-MiFID I. L-għan tal-MiFID II huwa li s-swieq finanzjarji Ewropej isiru aktar trasparenti u effiċjenti u l-investituri jiġu protetti aktar. |
2.4 |
Il-MiFID II tkopri firxa usa’ ta’ strumenti finanzjarji u tiżgura li n-negozjar iseħħ f’pjattaformi regolati. Ittejjeb kemm it-trasparenza kif ukoll is-superviżjoni tas-swieq finanzjarji kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni fin-negozjar u fl-ikklerjar ta’ strumenti finanzjarji. Ir-regoli tal-MiFID riveduti jsaħħu wkoll il-protezzjoni tal-investituri billi jintroduċi rekwiżiti robusti għall-organizzazzjoni u t-twettiq tan-negozju. |
2.5 |
Fl-abbozzar tat-testi fl-2014, ġie stipulat li t-traspożizzjoni tagħhom f’liġi nazzjonali (5) għandha ssir sat-3 ta’ Lulju 2016 u t-testi għandhom jibdew japplikaw mit-3 ta’ Jannar 2017. |
2.6 |
Il-proposta attwali għandha l-għan li tippostponi d-dħul fis-seħħ tal-MiFID II b’sena, mit-3 ta’ Jannar 2017 sat-3 ta’ Jannar 2018. |
2.7 |
Dan il-posponiment huwa prinċipalment dovut għall-problemi fl-implimentazzjoni teknika li ffaċċjaw l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA (6)), l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-partijiet interessati. Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li l-MiFID II hija kumplessa ħafna u hemm bżonn ta’ għadd sinifikanti ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, inklużi dawk relatati mal-obbligi ta’ rappurtar. L-istrutturi għal dan kellhom xi ftit jew wisq jinbdew mix-xejn, li ser jieħdu aktar żmien milli stmat oriġinarjament. |
3. Kummenti
3.1 |
Meta ġiet adottata l-MiFID II, l-intenzjoni kienet li tiġi trasposta mill-Istati Membri sat-3 ta’ Lulju 2016 u t-testi jibdew japplikaw fit-3 ta’ Jannar 2017. |
3.2 |
Fost affarijiet oħra, il-MiFID II tipprovdi għal sistema estensiva ta’ ġbir ta’ data bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet. Sabiex tinġabar id-data b'mod effiċjenti u armonizzat, trid tiġi żviluppata infrastruttura ġdida ta' ġbir ta' data. Dan jobbliga lill-ESMA, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jistabbilixxu Sistema ta' Data ta' Referenza tal-Istrumenti Finanzjarji (Financial Instruments Reference Data System – FIRDS), li tkopri l-firxa sħiħa ta’ strumenti finanzjarji li huma inklużi fl-ambitu estensiv tal-MiFID II. Fit-twettiq ta' dan il-kompitu, il-FIRDS ikollha bżonn tgħaqqad id-data li toħroġ mill-ESMA, l-NCAs u minn madwar 300 post ta' kummerċ madwar l-Unjoni Ewropea. Skont l-informazzjoni disponibbli jidher li l-maġġoranza l-kbira tas-sistemi tal-IT ġodda li jirfdu lill-FIRDS ikunu jridu jiġu kostruwiti mill-bidu nett, abbażi ta' parametri ġodda (7). |
3.3 |
Il-Kummissjoni tenfasizza li minħabba l-kumplessità tal-qafas il-ġdid u l-ħtieġa ta' għadd kbir ħafna ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni, id-data tal-applikabilità ttal-MiFIR ġiet posposta bi 30 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ. Minkejja dan il-perjodu twil aktar mis-soltu, il-partijiet interessati, bħal ma huma l-pjattaformi ta’ negozjar, l-NCAs u l-ESMA, jaffermaw li mhumiex f’pożizzjoni li jiżguraw li l-infrastrutturi meħtieġa tad-dejta jkunu f'posthom u operattivi sat-3 ta’ Jannar 2017. Fil-fatt, qabel tmiem l-2015, l-ESMA informat lill-Kummissjoni li kien inevitabbli li jkun hemm dewmien fl-implimentazzjoni teknika tal-MiFID, filwaqt li allegat li dan kien minħabba d-daqs u l-kumplessità tad-data li trid tinġabar u tiġi pproċessata sabiex il-qafas il-ġdid isir operattiv, b’mod partikolari f’ċerti każi (8), kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' strutturi għall-ġbir ta’ data, li għandu implikazzjonijiet fuq l-ambitu kollu tal-MiFID II (9). |
3.4 |
Il-Kummissjoni aċċettat din is-sitwazzjoni u għalhekk ivvalutat iż-żewġ possibbiltajiet, jiġifieri posponiment parzjali u posponiment sħiħ tal-MiFID II. Madankollu, għall-Kummissjoni, apparentament, posponiment parzjali mhuwiex opportun u fi kwalunkwe każ iwassal għal għadd ta’ problemi ġodda u konsiderevoli, li jikkonċernaw, b’mod partikolari, ir-riskju ta’ konfużjoni, id-distinzjoni bejn ir-regoli infurzabbli immedjatament u l-oħrajn, it-tħejjija ta’ regoli tranżitorji li, barra minn hekk, min-naħa tagħhom, jistgħu jagħtu lok għal problemi ġodda u r-riskju ta’ aktar dewmien. Barra minn hekk, għandha titqies ukoll il-kosteffettività. |
3.5 |
Fil-fehma tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-problemi tekniċi – u tal-informatika – allegatament eżistenti u tal-fatt li dħul fis-seħħ parzjali huwa allegatament kumpless u għandu jsir kull sforz biex jiġi evitat dewmien ulterjuri, li ma jistax jiġi eskluż f’każ ta’ dħul fis-seħħ parzjali, f’dan il-kuntest, il-proposta li tiġi posposta b’sena l-implimentazzjoni sħiħa tal-MiFID II tidher li hija l-iktar għażla raġonevoli u aċċettabbli. |
3.6 |
Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rreaġixxiet immedjatament meta, fl-2015, irċeviet l-ewwel informazzjoni dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni teknika tad-Direttiva MiFID II u ma ħadet l-ebda inizjattiva sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni jew tfittex soluzzjoni oħra għall-problema, li kieku kien jagħmilha possibbli li jitjiebu l-kundizzjonijiet li bihom jiffunzjonaw is-swieq finanzjarji u tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri. |
3.7 |
Minkejja li jkollu jammetti li, taħt iċ-ċirkustanzi attwali, il-posponiment jikkostitwixxi l-inqas għażla li tagħmel ħsara, il-KESE jemmen li din l-estensjoni għandha ssir darba biss u li kollox għandu jiġi implimentat sabiex jiġi evitat dewmien ulterjuri fl-implimentazzjoni tal-MiFID II. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li sakemm jibda japplika dan ir-reġim il-ġdid tal-MiFID II fit-3 ta’ Jannar 2018, fil-prattika, ma jiġux imfixkla d-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-investitur li jidhru fil-MiFID II il-ġdid u li ma jintlaqtux, bħala tali, mid-diffikultajiet attwali. Sakemm jitnieda r-reġim il-ġdid, fejn xieraq, jeħtieġ li r-regoli eżistenti tal-MiFID I jibqgħu japplikaw mingħajr ma jiġu modifikati |
Brussell, is-26 ta' Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 42).
(2) Id-Direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji.
(3) Ir-Regolament dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji.
(4) (ĠU C 191, 29.6.2012, p. 80).
(5) Partikolarment id-Direttiva MiFID II. MiFIR huwa Regolament.
(6) Taqsira għall-isem tal-Awtorità bl-Ingliż: European Security and Markets Authority (ESMA).
(7) COM(2016) 56 final – 2016/0033 (COD), premessa (4).
(8) COM(2016) 57 final – 2016/0034 (COD), premessa (5).
(9) COM(2016) 57 final – 2016/0034 (COD), premessa (6).
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/94 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Ninvestu f'impjiegi u tkabbir — nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej”
(COM(2015) 639 final)
(2016/C 303/13)
Relatur: |
Is-Sur Dimitris DIMITRIADIS |
Nhar l-14 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Ninvestu f'impjiegi u tkabbir — nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej”
([COM(2015) 639 final).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, li kienet inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-14 ta’ April 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’182 vot favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-approċċ il-ġdid skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (1) li jiġbor fil-qosor u jippreżenta r-riżultati tan-negozjati bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri (SM) u l-imsieħba tagħhom sabiex tiġi pprovduta ħarsa ġenerali lejn il-kisbiet ewlenin ta’ dan il-proċess. Il-KESE jemmen li dan joffri l-punt tat-tluq neċessarju għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-użu effettiv u effikaċi tar-riżorsi skarsi disponibbli għall-perjodu finanzjarju 2014-2020 u għal monitoraġġ aħjar tal-prestazzjoni u tal-progress lejn il-kisba tal-miri tal-indikatur. |
1.2 |
Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea li timmassimizza l-impatt tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) u jappoġġja l-fehma li din għandha tkun il-prijorità ewlenija fil-perjodu ta’ wara l-kriżi. Madankollu, huwa jwissi li hemm ħtieġa partikolari, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, li tittejjeb is-semplifikazzjoni għall-benefiċjarji, u għal immirar aktar preċiż sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tagħhom. |
1.2.1 |
F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob involviment aktar mill-qrib ta’ u kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati fil-ħidma tal-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Esperti Indipendenti dwar is-Simplifikazzjoni tal-Monitoraġġ għall-Benefiċjarji tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (2), u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura komunikazzjoni aktar effettiva u trasparenti dwar il-kompożizzjoni u l-ħidma tal-grupp ta’ livell għoli. Il-KESE huwa konvint li l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati l-oħra jistgħu jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni ta’ prattiki kemm tajbin kif ukoll ħżiena u jgħinu fl-introduzzjoni ta’ għażliet ta’ semplifikazzjoni fl-Istat Membru tagħhom. |
1.3 |
Il-KESE jilqa’ r-regolamenti ġodda tal-FSIE (3) billi dawn jistabbilixxu konċentrazzjoni tematika u fokus fuq il-modi possibbli biex jittaffew l-effetti negattivi tal-kriżi. Il-KESE japprezza b’mod partikolari l-istrumenti u l-approċċi l-ġodda, bħall-Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u l-fond il-ġdid għall-ġlieda kontra l-faqar (4). |
1.4 |
Fl-istess ħin, il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar kwistjonijiet li għadhom ambigwi fir-Regolamenti li jsawru l-użu tal-FSIE. |
1.4.1 |
Il-KESE jwissi li kull meta d-deċiżjonijiet u r-riskji involuti jiġu mgħoddija lill-SM, hemm probabbiltà kbira li huma jadottaw approċċ konservattiv biex jiġu evitati sanzjonijiet possibbli mill-Kummissjoni, u b’hekk ixekklu proporzjon kbir ta’ benefiċjarji eliġibbli milli jiksbu aċċess għall-FSIE. |
1.4.2 |
Il-KESE jitlob għal proċeduri ssemplifikati għall-eżenzjonijiet ta’ kategorija mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità u l-gruppi ta' benefiċjarji fil-pożizzjonijiet vulnerabbli. |
1.5 |
Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni talli għamlet pass ’il quddiem fl-adozzjoni tal-Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija (5), li jirregola l-involviment tal-imsieħba soċjali u ta’ partijiet interessati oħrajn fl-istadji kollha tal-programmazzjoni, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom kemm fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-FSIE. |
1.6 |
Min-naħa l-oħra, il-KESE għandu xi tħassib dwar il-mod kif dawn ir-regolamenti u l-istrumenti u l-approċċi ġodda jiġu applikati fl-Istati Membri, minħabba li l-prattiki differenti użati fil-livell nazzjonali jpoġġu lill-imsieħba soċjali f’pożizzjoni inugwali. Pereżempju, il-Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija mhuwiex implimentat u rrispettat għalkollox mill-Istati Membri kollha: l-imsieħba soċjali mhumiex rikonoxxuti b’mod adegwat fl-implimentazzjoni tal-YEI u l-importanza tal-azzjoni konġunta tagħhom mhijiex rikonoxxuta għalkollox mill-Istati Membri kollha, kif rifless fin-nuqqas li jisfruttaw il-potenzjal tagħhom sabiex jaffrontaw l-effetti negattivi tal-kriżi, jimmaniġġjaw aħjar il-bidla industrijali u joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir. Il-KESE jipproponi lill-Kummissjoni l-adozzjoni ta' miżuri legali u prattiċi biex tiġi ggarantita l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' sħubija u l-kodiċi ta' kondotta sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016 u li jiddaħħlu fis-seħħ dispożizzjonijiet u miżuri aktar speċifiċi biex jiġu evitati dawn il-prattiki differenti fil-livell nazzjonali. |
1.7 |
Il-KESE jitlob għal reviżjoni ta’ nofs it-terminu tar-regolamenti li jirregolaw l-investiment permezz tal-FSIE u speċjalment ta’ dawk li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat (6), billi dawn jiġġeneraw l-akbar ammont ta’ inċertezza – kemm għall-SM kif ukoll għall-benefiċjarji – u huma s-sors ewlieni tar-riskju ta’ korrezzjoni finanzjarja. Din għandha tkun parti mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-perjodu 2014-2020. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex iżżomm it-triq stabbilita fil-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni Juncker (7), li jiddikjaraw li “l-ambjent tal-investiment għandu jittejjeb u l-assorbiment tal-fondi jeħtieġ li jissaħħaħ”. |
1.8 |
L-akkwist pubbliku huwa qasam ieħor ta’ inċertezza u problemi kostanti, u l-KESE jesprimi d-dispjaċir tiegħu li matul l-aħħar għaxar snin baqgħet ma nstabet ebda soluzzjoni fattibbli, valida għall-Istati Membri kollha, li tipprevedi mod trasparenti ħafna, rapidu u effikaċi ta’ kif jintgħażlu s-subkuntratturi meta jintużaw il-FSIE. Ir-regolamenti nazzjonali speċifiċi dwar l-akkwist pubbliku jkomplu jżidu l-kumplessità f’dan il-qasam. |
1.9 |
Il-KESE jemmen li l-fondi tal-UE għandhom jintużaw primarjament mhux biss sabiex jintlaħqu l-miri ta’ Ewropa 2020 iżda anki għal aktar investimenti fl-ekonomija reali. Il-Kummissjoni għandha tintroduċi evalwazzjoni kwantifikata tal-effettività u l-effiċjenza tal-kontribuzzjoni tal-fondi diġà investiti. |
1.10 |
Fl-aħħar nett, iżda mhux l-inqas, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar sforzi biex testendi l-kopertura tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar fil-livelli nazzjonali u reġjonali u biex tobbliga lill-SM biex jimplimentawh, speċjalment fejn jidħol l-investiment tal-FSIE. |
2. L-isfond u l-bażi leġislattiva
2.1 |
L-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (8) jinkariga lill-Kummissjoni sabiex tiġbor fil-qosor u tippreżenta r-riżultati tan-negozjati bejn l-awtoritajiet tal-SM u l-imsieħba tagħhom, bil-għan li tiġi pprovduta ħarsa ġenerali lejn il-kisbiet ewlenin ta’ dan il-proċess. |
2.2 |
L-isforzi tal-Kummissjoni sabiex timmassimizza l-impatt tal-FSIE u sabiex ittejjeb is-semplifikazzjoni għall-benefiċjarji huma msaħħa wkoll bil-ħolqien tal-Grupp ta’ Livell Għoli (9) dwar is-semplifikazzjoni tal-monitoraġġ għall-benefiċjarji tal-FSIE. |
2.3 |
Ġew adottati regolamenti ġodda tal-FSIE (10) sabiex jipprovdu regolamentazzjoni aħjar għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali u sabiex jistabbilixxu konċentrazzjoni tematika. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-SM u l-imsieħba soċjali, żviluppat strumenti u approċċi ġodda, bħall-Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u l-fond il-ġdid għall-ġlieda kontra l-faqar (11). |
2.4 |
Il-Kummissjoni adottat il-Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija (12), li jirregola l-involviment tal-imsieħba soċjali u ta’ partijiet interessati oħrajn fl-istadji kollha tal-programmazzjoni, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom kemm fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-FSIE. |
3. Kummenti ġenerali dwar l-investimenti tal-FSIE fil-kuntest soċjoekonomiku tal-lum
3.1 Il-FSIE bħala mutur tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u sors ta’ investiment pubbliku.
3.1.1 |
Matul żmien ta’ kriżi, huwa naturali li r-rwol tal-FSIE jkun qed jikber, speċjalment fl-Istati Membri li huma l-aktar affettwati mill-kriżi. Madankollu, il-FSIE ma għandhom bl-ebda mod jieħdu post l-investiment pubbliku u, b’mod partikolari, dak privat, iżda minflok għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet sabiex tingħata spinta lil dan l-investiment. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jissoktaw bl-isforzi tagħhom biex itejbu l-investiment privat u l-ambjent tan-negozju, kif diġà ġie spjegat fir-rigward tat-tielet fergħa tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (13) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, li jsiru għodda ta’ żvilupp importanti biss jekk ikunu jistgħu jaħdmu mal-FSIE. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta kif l-investimenti tal-fond jaffettwaw l-investimenti privati u tikkalkula l-ko-effiċjent tal-effett ta' spinta fis-settur reali. |
3.1.2 |
Il-KESE jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni attwali tittratta biss l-eżitu tan-negozjati għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali u la tiġbor fil-qosor u lanqas tibni fuq il-lezzjonijiet meħuda mill-imgħoddi. Huwa neċessarju li l-Kummissjoni tanalizza bir-reqqa l-impatt reali tal-investiment tal-fondi tal-UE matul il-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti u li tislet konklużjonijiet speċifiċi ħafna rigward l-esperjenzi pożittivi u negattivi bħala punt tat-tluq sabiex jiżdied il-valur tal-proċess tal-investiment. |
3.1.3 |
Il-KESE għandu l-impressjoni li għalkemm il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tenfasizza “ninvestu f'impjiegi u tkabbir” fit-titolu, it-test tad-dokument ma jagħmel ebda enfasi speċjali fuq ix-xogħol u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex tiġbed aktar attenzjoni għall-impatt tal-politiki differenti fuq il-promozzjoni tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-qgħad, sabiex tkun tista’ tivvaluta jekk u kemm il-fondi investiti kellhom impatt reali fuq is-suq tax-xogħol. |
3.2 Qafas għal FSIE aktar effettivi
3.2.1 |
Kif ġie ddikjarat diġà f’opinjonijiet riċenti (14), il-KESE huwa tal-fehma li d-definizzjoni antikwata u estremament wiesgħa ta’ SMEs tfisser li l-użu ta’ dan it-terminu jwassal għal enfasi wiesgħa żżejjed tal-politika, li timpedixxi l-kisba ta’ riżultati tanġibbli u speċifiċi. Barra minn hekk, sakemm ma jiġux applikati kriterji ta’ segmentazzjoni aktar preċiżi, ir-rappurtar tar-riżultati miksuba jkun qarrieqi, minħabba li, skont id-definizzjoni attwali, l-SMEs jammontaw għal 98 % tan-negozji Ewropej. L-użu ta’ tali kriterji ta’ segmentazzjoni wiesgħa jagħmilha impossibbli li tinġabar u tiġi pproċessata l-informazzjoni bil-għan li jiġi vvalutat it-titjib reali fis-sitwazzjoni għall-gruppi differenti ta’ kumpaniji vulnerabbli li huma importanti għall-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi u li jeħtieġu appoġġ qawwi biex jagħmlu dan – pereżempju, negozji mikro u kumpaniji f’żoni remoti u rurali. Tali kumpaniji, anki jekk ma jkunux innovattivi, kompetittivi ħafna jew sofistikati, madankollu jagħmlu kontribut siewi għall-iżvilupp reġjonali u għall-koeżjoni. |
3.2.1.1 |
Il-KESE jitlob bil-qawwa aġġornament immedjat tad-definizzjoni ta' SMEs sabiex tiġi żgurata aktar ċarezza, distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta' SMEs sabiex jiġu indirizzati aħjar il-bżonnijiet tagħhom u jiġi estiżi u diversifikati s-sorsi ta' informazzjoni għalihom, u titjib fil-koordinazzjoni tas-sorsi u l-metodi ta' ġbir ta' informazzjoni dwar diversi SMEs u l-metodi ta' pproċessar u analiżi tad-dejta statistika bejn l-Istati Membri. |
3.2.2 |
L-użu rrakkomandat ħafna tal-istrumenti finanzjarji qed jiġi mminat minn ħafna każijiet ta’ użu ħażin minħabba nuqqas ta’ informazzjoni u monitoraġġ effettiv fil-livell tal-Istati Membri. Pereżempju, l-istrumenti finanzjarji maħsuba biex jipprovdu self b’imgħax baxx lill-SMEs f’ħafna każijiet ma jaslux għand dawk l-SMEs li ma għandhomx finanzjament, iżda minflok jintużaw minn SMEs iffinanzjati sewwa sabiex ikomplu jnaqqsu l-ispejjeż tal-finanzjament tagħhom. L-istess jgħodd għall-garanziji finanzjarji għall-SMEs. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, din is-sitwazzjoni lanqas biss hija rikonoxxuta minħabba nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ valutazzjoni adegwati u ta’ sistema għall-ġbir tar-rispons mill-utenti finali. |
3.2.3 |
L-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb is-semplifikazzjoni għall-benefiċjarji ta' min ifaħħarhom, iżda s-semplifikazzjoni ma għandhiex titwettaq mingħajr il-parteċipazzjoni tal-benefiċjarji finali. F’dan ir-rigward, hija ħasra li l-metodi użati mill-Istati Membri sabiex jirċievu rispons mingħand il-benefiċjarji huma burokratiċi wisq u mmirati b’mod wiesa’ żżejjed. Fil-maġġoranza tal-każijiet, dawn jonqsu milli jesploraw fil-fond il-kawża reali tal-problemi u, għalhekk, jonqsu milli jagħtu soluzzjonijiet fattibbli. Il-Kummissjoni għandha żżomm f'moħħha li l-SMEs għandhom bżonnijiet differenti: aċċess aktar faċli għal finanzjament, aċċess akbar għall-miżuri ta' akkumpanjament, ikkowċjar u konsulenza, eċċ. |
3.2.4 |
Wieħed mill-ostakoli ewlenin li jiffaċċjaw il-kumpaniji huwa n-nuqqas ta’ informazzjoni xierqa u f’waqtha. Il-Kummissjoni kontinwament tgħid li l-informazzjoni għandha tkun kompleta u affordabbli u li l-proċeduri kollha għandhom ikunu trasparenti iżda effettivi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnifisha għamlet l-aċċess għall-opportunitajiet ta’ finanzjament pjuttost ikkumplikat. In-negozji, speċjalment l-impriżi mikro u żgħar għandhom ikunu jafu fejn iridu jfittxu għall-informazzjoni dwar id-diversi programmi u proġetti li huma appoġġjati direttament mill-Kummissjoni. Filwaqt li l-portals tal-informazzjoni ċentrali għall-programmi operazzjonali u l-istrumenti finanzjarji kollha huma disponibbli fl-Istati Membri, għandu jkun hemm portal bħal dan fil-livell tal-UE wkoll. |
3.2.4.1 |
L-informazzjoni pprovduta għandha tkun faċli għall-utent biex tiżgura komunikazzjoni effiċjenti u b'tali mod li tkun tista' tinftiehem b'mod sħiħ mill-parteċipanti rilevanti kollha fil-proċess ta' finanzjament. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tipprova tevita gwida għas-sejħiet ikkumplikata u tagħti opportunità lil proġetti b'potenzjal għoli ppreparati mill-kumpaniji stess, mhux minn kittieba tal-applikazzjonijiet professjonali. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tivvaluta l-ħidma tal-uffiċċju ta' kuntatt Ewropew tagħha u biex tieħu miżuri urġenti fejn ikun hemm ineffiċjenza, peress li l-uffiċjali ta' spiss jipprovdu informazzjoni differenti, konfuża u konsegwentment informazzjoni mhux ċara, li xi drabi hija wkoll kontradittorja. |
3.2.5 |
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tiżviluppa u tistabbilixxi portal faċli għall-utent li jipprovdi deskrizzjoni fil-qosor tal-għażliet ta’ finanzjament kollha fil-livell tal-UE u links għall-paġna web ta’ kull programm individwali. Il-Kummissjoni diġà kisbet esperjenza siewja bil-portal tat-TED, li huwa faċli għall-utenti u jipprovdi ħafna informazzjoni. |
3.2.6 |
L-istess japplika għar-rappurtar dwar il-proġetti li diġà ġew approvati jew saħansitra kkompletati. Il-Kummissjoni ma għandha ebda statistika pubblika miġbura fil-qosor dwar il-proġetti diġà approvati għall-finanzjament mill-pajjiżi taħt il-programmi individwali. L-informazzjoni hija inkompleta u frammentata bejn diversi formati elettroniċi. |
3.2.7 |
Għandu jkun hemm analiżi dettaljata tal-impatt tal-proġetti li ġew implimentati matul il-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti, inklużi l-fallimenti u l-punt sa fejn il-fondi investiti kkontribixxew sabiex jintlaħqu l-għanijiet Ewropej. Ma saret ebda valutazzjoni tal-effett tal-FSIE fuq l-SMEs u tal-kontribut tagħhom sabiex tingħata spinta lill-kompetittività. L-SM u l-Kummissjoni ta’ spiss jinsew li l-ġeneratur ewlieni ta’ impjiegi ġodda huwa l-SMEs u li dawn jeħtieġu aktar appoġġ u appoġġ immirat aħjar. |
3.2.8 |
Il-KESE huwa kkonċernat dwar il-punt sa fejn l-awdituri li jaħdmu mal-Kummissjoni qegħdin jadottaw is-semplifikazzjoni tal-proċeduri u l-ispejjeż. Sikwit jista’ jiġi osservat approċċ amministrattiv formali żżejjed, li jindika li l-awdituri jridu aktar esperjenza prattika tas-settur ivverifikat. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda komunikazzjoni dettaljata dwar il-proċeduri ta’ semplifikazzjoni bejn l-esperti fid-DĠ differenti u l-awdituri tal-Kummissjoni, billi r-regoli għall-infiq tal-finanzjament ta’ spiss jiġu interpretati b’mod differenti. |
3.2.9 |
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu introdotti għażliet ta’ spejjeż issemplifikati taħt il-FSE. Pereżempju, skont l-Artikolu 14(1), il-kompitu tad-definizzjoni tal-għażliet ta’ spejjeż issemplifikati jiġi ddelegat mill-Kummissjoni lill-SM, li mhuwiex xieraq (15). Skont il-linji gwida għall-applikazzjoni tal-għażliet ta' spejjeż issemplifikati skont l-Artikolu 14(1), l-SM jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar id-definizzjoni tal-ispiża semplifikata abbażi tar-riċerka tagħhom u mbagħad il-Kummissjoni tadotta att delegat, li madankollu, jikkomplika l-proċedura bla bżonn u jdgħajjef id-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri. Soluzzjoni hija li l-Kummissjoni tiddefinixxi skali standard ta’ spejjeż unitarji u somom f’daqqa għal attivitajiet tipiċi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), li l-kalkolu tagħhom ma jkunx soġġett għal verifika. |
3.2.10 |
Il-KESE jemmen li jkun utli li jkomplu jitnaqqsu l-indikaturi fil-programmi operazzjonali (PO). L-introduzzjoni ta’ indikaturi komuni kienet punt tat-tluq tajjeb, iżda ċerti PO għad għandhom għadd kbir ta’ indikaturi speċifiċi, li wħud minnhom ġew introdotti b’mod artifiċjali mill-Kummissjoni matul il-proċess tan-negozjati. Il-KESE huwa tal-fehma li, meta jiġu mmonitorjati l-PO, l-attenzjoni għandha tgħaddi mill-indikaturi speċifiċi għall-indikaturi komuni, billi dan jippermetti li jsir paragun aħjar bejn PO uniċi fi Istati Membri differenti. |
3.2.11 |
Il-KESE jilqa’ l-użu akbar tal-indikaturi tal-eżiti (kuntrarju għal dawk tal-produzzjoni) fost il-FSIE kollha u jħeġġeġ ukoll sabiex issir enfasi fuq il-kontribut diskret tal-FSIE għat-tkabbir u l-iżvilupp ta’ indikaturi ambjentali biex jaqbdu l-enfasi trasversali ġdida fuq l-ambjent. |
3.2.12 |
Fil-prinċipju, il-KESE jilqa’ l-fatt li qegħdin jiġu offruti aktar flessibbiltà u lok għal manuvri lill-benefiċjarji mill-għodod tal-iżvilupp lokali (bħall-Investiment Territorjali Integrat u l-Iżvilupp Lokali mmexxi mill-Komunità) (16). Madankollu, il-KESE jistaqsi kemm dawn l-istrumenti jistgħu tabilħaqq jintużaw fil-prattika, minħabba l-kumplessità kbira tagħhom u n-nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-arranġamenti prattiċi u d-diviżjoni tal-finanzjament, tal-kompiti u tar-responsabbiltajiet bejn il-programmi operazzjonali differenti. |
4. Il-kisbiet mistennija tal-programmi tal-FSIE
4.1 L-iżvilupp tar-R&I, tal-ICT u tal-SMEs
4.1.1 |
Sa fejn huma kkonċernati r-riċerka u l-innovazzjoni (R&I), il-KESE jinsisti li l-ambjent u x-xejriet ekonomiċi u teknoloġiċi internazzjonali għandhom jiġu osservati u ssorveljati mill-qrib ħafna u jittieħdu direttament f’kunsiderazzjoni meta titfassal azzjoni speċifika fil-livell tal-UE u li din l-informazzjoni għandha mbagħad tingħadda għal-livell tal-SM. Barra minn hekk, minħabba li l-iżviluppi jiżvolġu estremament malajr f’dawn l-oqsma, jeħtieġ li jitfassal qafas li joffri livell għoli ħafna ta’ flessibbiltà sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu adattati. |
4.1.2 |
Jeħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra eżattament x’tip ta’ inkubaturi u ċentri teknoloġiċi twaqqfu matul l-aħħar perjodu ta’ programmazzjoni u kemm dawn kienu sostenibbli, filwaqt li tiddetermina eżattament x’riżultati nkisbu permezz tal-kontribut tagħhom għar-R&I fl-UE – permezz ta’ paragun mal-kompetituri globali ewlenin – qabel tkompli tappoġġja dawn l-arranġamenti. Hemm ħafna tħassib dwar il-valur miżjud tal-inkubaturi u taċ-ċentri tat-teknoloġija għall-promozzjoni tal-R&I u dwar it-trasparenza tal-finanzjament tagħhom b’mod ġenerali. Il-KESE jitlob analiżi fil-fond u miżuri ta' investiment vs benefiċċju fil-livell operazzjonali, u fir-rigward tar-redditu fuq l-investiment, valur miżjud u riżultati sostenibbli. |
4.1.3 |
Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-isforzi għall-promozzjoni tas-suq uniku diġitali u l-kisbiet ikkwotati, li huma stmati li jaffettwaw 14,6 miljun familja u 18,8 miljun ruħ. Madankollu, ikun utli jekk isir magħruf jekk dawn il-figuri relatati mal-familji u n-nies humiex ibbażati fuq analiżi xierqa, li tinkludi perċentwali attwali tal-popolazzjoni u l-familji Ewropej totali. Il-KESE ma jistax jkejjel jekk l-appoġġ previst għall-kumpaniji huwiex ser ikun biżżejjed jew le sabiex ikun garantit li jintlaħqu dawn il-miri u, għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni sabiex twettaq valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, li għandha tinkludi wkoll indikaturi ta’ titjib f’termini ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar u tal-benesseri u l-livelli tal-għajxien taċ-ċittadini Ewropej. Id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi mhux bilfors tfisser li l-impjiegi li jinħolqu jkunu diċenti u ta’ kwalità tajba. In-nuqqas ta’ riċerka fil-fond dwar l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq is-suq tax-xogħol jipperikola l-possibbiltà li jintlaħqu l-miri ta’ Ewropa 2020. F’opinjonijiet riċenti, il-KESE diġà esprima t-tħassib tiegħu dwar id-diġitalizzazzjoni u l-influwenza tagħha fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali (17). |
4.1.4 |
Il-KESE jqis li l-proporzjon ta’ SMEs appoġġjati u l-għadd ta’ impjiegi li mistennija jinħolqu huma totalment inadegwati u jixtieq jara kisbiet aktar b’saħħithom f’dan ir-rigward. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi punti ta’ riferiment Ewropej u tivvaluta u tissorvelja mill-qrib il-prestazzjoni tal-SM fl-isfond tagħhom. |
4.1.5 |
Il-KESE għandu xi tħassib dwar il-mod kif jiġi allokat il-finanzjament bejn il-kumpaniji għal programmi li huma direttament iffinanzjati mill-Kummissjoni, billi l-kumpaniji f’ċerti SM ovvjament jinsabu f’pożizzjoni aħjar. Pereżempju, skont l-istatistika uffiċjali, tressqu total ta’ 36 732 proposta eliġibbli taħt Orizzont 2020. L-ewwel 100 sejħa jinqasmu kif ġej: 29 794 proposta sħaħ f’sejħiet fi stadju wieħed, 5 617-il proposta fil-qosor fl-ewwel stadju tas-sejħiet f’żewġ stadji u 1 321 proposta sħaħ fit-tieni stadju tas-sejħiet f’żewġ stadji. Madankollu, l-maġġoranza tal-applikazzjonijiet ġew mill-akbar ħames Stati Membri: ir-Renju Unit, l-Italja, il-Ġermanja, Spanja u Franza. Dawn huma pajjiżi b’għadd kbir ta’ proġetti approvati, filwaqt li pajjiżi oħrajn għandhom rati ta’ suċċess baxxi ħafna. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li ssir analiżi bir-reqqa ta’ din is-sitwazzjoni fi żmien qasir, u li jiġu żviluppati u implimentati miżuri li jtejbu t-tixrid tal-informazzjoni u jippromovu l-aċċess ugwali u jiżguraw bilanċ ġeografiku. |
4.1.6 |
Is-sitwazzjoni hija l-istess bil-proġetti fuq skala kbira u bl-evalwaturi maħtura, fejn hemm rata ta’ parteċipazzjoni ferm aktar baxxa fost l-Istati Membri l-ġodda. Dan jispjega għaliex xi pajjiżi għandhom profil ta' innovazzjoni batut: huma ma għandhom ebda aċċess għal finanzjament ġdid li jkun ġej direttament mill-UE. Din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata b’mod urġenti u effikaċi. |
4.2 L-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-enerġija u t-trasport
4.2.1 |
Il-KESE jilqa’ l-kontribut stmat għall-effiċjenza enerġetika, iżda jixtieq li dawn l-estimi jiġu espressi f’termini relattivi, sabiex b’hekk tingħata stampa aktar ċara tal-kisba globali tal-għanijiet relatati mal-ħarsien ambjentali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. |
4.2.2 |
Il-Komunikazzjoni tinnota li sitt SM qegħdin jippjanaw li jużaw madwar EUR 2 biljun għal infrastruttura tal-gass u l-elettriku intelliġenti. Il-kwistjoni hija jekk il-Kummissjoni żguratx li dawn il-pjani joħolqu sinerġiji u valur miżjud fil-livell tal-UE, u mhux ikollhom nuqqas ta' koordinazzjoni. |
4.2.3 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ metodoloġija, analiżi u valutazzjoni ta’ kemm huma effettivi s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u kif l-użu tagħhom jindirizza t-tibdil fil-klima. Mhuwiex ċar jekk it-tibdil fil-klima huwiex dovut għat-tniġġis mill-użu ta’ sorsi tal-enerġija konvenzjonali, għall-produzzjoni industrijali jew għaż-żieda fit-traffiku tal-karozzi u l-gassijiet li dan jarmi fl-ambjent. L-introduzzjoni ta’ sorsi alternattivi tal-enerġija tista’ taffettwa ħażin it-tkabbir ekonomiku, minħabba li l-enerġija prodotta tkun aktar għalja. Bil-għan li tiġi evitata din is-sitwazzjoni, jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet fejn kulħadd joħroġ rebbieħ. |
4.2.3.1 |
Sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni tal-kompetittività, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq analiżi tal-impatt reali tal-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tal-livell ta’ tniġġis prodott minn kull sors konvenzjonali. B’hekk, il-finanzjament allokat għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jista’ jiġi mmirat b’mod aktar effettiv, pereżempju, għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda għal karozzi nodfa bi spiża baxxa u b’livell għoli ta’ sikurezza. |
4.3 L-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni
4.3.1 |
Il-KESE josserva b’dispjaċir kbir li għad ma hemm ebda politika koerenti u integrata dwar il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-flussi tar-refuġjati. L-eluf ta’ żgħażagħ u tfal li daħlu fit-territorju Ewropew matul dawn l-aħħar sentejn wasslu għal sitwazzjoni fejn hemm riskju għoli ta’ nies li jaqgħu taħt il-linja tal-faqar tal-UE. L-istrumenti u l-politiki f’dan il-qasam ivarjaw ukoll fost l-Istati Membri differenti. |
4.3.2 |
Il-KESE jqis l-integrazzjoni tar-refuġjati bħala kwistjoni ta’ politika urġenti u importanti, iżda l-politika reġjonali u l-fondi reġjonali mhumiex biżżejjed sabiex tiġi indirizzata din l-isfida kumplessa: jeħtieġ li jiġu introdotti politika u fondi speċifiċi. |
4.3.3 |
Kien hemm dewmien twil fl-implimentazzjoni tal-YEI. Il-KESE dejjem inkoraġġixxa l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili f’din il-ħidma, u b’mod partikolari nkomplu nħeġġu lill-SM sabiex jinkludu lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u lis-servizzi taż-żgħażagħ fit-twettiq tal-YEI. Il-KESE jemmen li jeħtieġ li jsiru analiżijiet ulterjuri sabiex jiġu ddeterminati r-raġunijiet għall-bidu kajman tal-YEI. Minħabba li l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa problema serja għas-swieq tax-xogħol ta’ ħafna pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni għandha tiżgura implimentazzjoni aktar effikaċi tal-YEI. Soluzzjoni possibbli hija li tkompli tiġi estiża l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 22(a) tar-Regolament Nru 779/2015. Il-linja gwida għall-verifika ġiet adottata mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Settembru 2015, li ma jippermettix biżżejjed żmien biex l-SM jadottaw l-istrutturi tal-ġestjoni tagħhom bil-għan li jilħqu l-iskadenza. |
4.3.4 |
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi portal tal-web speċjali għall-implimentazzjoni tal-YEI u turi l-istatistika għall-miri diġà milħuqa. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiġbor informazzjoni mingħand l-SM, minħabba li diġà għaddew sentejn minn meta tnediet l-inizjattiva. |
4.3.5 |
Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tkun konxja mill-fatt li l-persuni żgħażagħ inattivi mhumiex grupp omoġenju u għalhekk jeħtieġu livelli differenti ta' appoġġ u intervent biex jipparteċipaw b'mod sħiħ fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi. Dan kollu għandu jkun f'konformità mal-ħtiġijiet attwali tas-suq tax-xogħol rispettiv, sabiex jiġu żgurati prospetti aħjar għall-impjiegi tal-futur. Għal dan il-għan, il-KESE jirrakkomanda involviment akbar taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tagħhom, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-impjegaturi potenzjali u l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom fl-implimentazzjoni tal-YEI u li ma jibqax jintuża approċċ purament amministrattiv li ma jagħtix lok għal flessibbiltà fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tal-YEI. |
4.3.6 |
L-edukazzjoni hija l-mezz ewlieni kemm għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp tal-Istati Membri fil-ġejjieni, kif ukoll għaż-żieda tal-kompetittività tal-UE fost swieq dinjin oħrajn. In-nuqqas ta’ ħaddiema b'kwalifiki għoljin fl-SM kollha għandu effetti negattivi serji ħafna. Barra minn hekk, id-diskrepanza bejn il-provvista u d-domanda hija kkonċentrata f’bosta setturi – l-inġinerija, it-teknoloġiji avvanzati, it-telekomunikazzjoni, eċċ. Il-KESE jemmen li d-diskrepanza li qiegħda tikber bejn ir-realtajiet tas-suq tax-xogħol u s-sistema tal-edukazzjoni ser toħloq ostakoli strutturali speċifiċi għall-produzzjoni fl-10-15-il sena li ġejjin. Il-KESE jirrakkomanda li l-finanzjament għall-edukazzjoni għandu jkun iffokat aktar fuq iż-żieda tal-attrazzjoni u l-kwalità tal-korsijiet ta’ edukazzjoni/taħriġ vokazzjonali u li jsiru riformi sabiex jiġi żgurat li l-edukazzjoni tkun immirata b’mod aktar effettiv għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u skont il-ħtiġijiet tal-SM għall-professjonisti, dixxiplini, setturi u industriji differenti. Il-Kummissjoni għandha tinvesti aktar fl-edukazzjoni tal-adulti wkoll peress li l-adulti huma l-akbar grupp ta' persuni qiegħda u impjegati u jeħtieġu ħiliet avvanzati u li jaġġornaw l-għarfien tagħhom, speċjalment fit-teknoloġiji l-ġodda. |
4.4 It-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-amministrazzjoni pubblika effiċjenti
4.4.1 |
Għandhom jitwettqu analiżijiet funzjonali f’kull SM bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u għandha tiġi stabbilita pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-informazzjoni. Ir-riformi tal-amministrazzjoni pubblika u tas-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri għandhom ikunu ppreċeduti minn valutazzjoni tal-impatt għall-finanzjament minfuq matul il-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti. |
4.4.2 |
Il-KESE huwa mħasseb li, matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, il-Kummissjoni implimentat forma ta’ kundizzjonalità ex-post. Il-miżuri l-ġodda jintroduċu kundizzjonalità ex-ante matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, billi jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-fondi humiex fis-seħħ qabel jiġu ddeterminati l-impenji tal-investiment, kif ukoll forma aktar kontenzjuża tal-kundizzjonalità makro-ekonomika. Fil-każ tal-aħħar, l-allokazzjoni tal-finanzjament tiddependi fuq gvernijiet nazzjonali u reġjuni li diġà għandhom tkabbir ekonomiku b’saħħtu, amministrazzjonijiet organizzati sewwa u servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja. Il-Kummissjoni tirriserva d-dritt li tissospendi l-finanzjament jekk dawn il-prekundizzjonijiet ma jiġux issodisfati. |
4.4.3 |
Il-KESE tqis is-semplifikazzjoni bħala wieħed mill-aktar fatturi importanti għas-suċċess fl-implimentazzjoni tal-programm. Għalkemm hemm biżżejjed inċentivi fi ħdan il-qafas regolatorju għal dan il-perjodu ta’ programmazzjoni sabiex jitħaffef il-proċess, xorta waħda għad hemm lok għal appoġġ aktar adatt mill-Kummissjoni lill-Istati Membri. Il-fehma tal-Kummissjoni rigward l-aċċettabbiltà ta’ prattiki differenti għandha tiġi espressa b’mod aktar ċar, sabiex dawk l-SM b’inqas esperjenza jiġu megħjuna jagħmlu użu mill-għażliet differenti għas-semplifikazzjoni (pereżempju, għażliet ta’ spejjeż issemplifikati), bil-għan li jkun hemm aktar fiduċja fir-riżultati finali. Il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Komunikazzjoni ssemmi 750 kundizzjonalità ex-ante li jridu jiġu ssodisfati mill-Istati Membri (18). |
5. Kooperazzjoni territorjali Ewropea/INTERREG
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tistabbilixxi aktar indikaturi mhux ibbażati fuq il-PDG għall-kejl tal-kwalità tal-ħajja u tal-kwalità tat-tkabbir ekonomiku.
5.1 |
Il-KESE huwa mħasseb dwar kemm ser ikunu effettivi l-programmi, meta wieħed iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għad għandhom id-dejn, għalkemm iż-żieda fid-dejn pubbliku ġejja primarjament mill-attivitajiet tal-awtoritajiet ċentrali. Dan ifisser li xi reġjuni jew muniċipalitajiet huma esklużi mill-finanzjament. |
5.2 |
Ir-regolament tal-FSIE huwa pjuttost konservattiv u jistabbilixxi limiti legali fuq ir-riprogrammazzjoni tal-ftehimiet ta’ sħubija eżistenti. Dan l-approċċ ma tantx huwa prattiku u mhux ser ikun fattibbli jekk isseħħ kriżi oħra. Il-proċeduri onerużi jxekklu l-flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-FSIE u jistgħu jimpedixxu l-kisba tal-għanijiet ta’ Ewropa 2020. |
5.3 |
Il-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali għandhom ikunu miftuħa b’mod aktar wiesa’ għall-awtoritajiet lokali, billi l-prinċipji tad-diviżjoni amministrattiva tal-SM individwali jiġu applikati b’mod inqas strett. Dan minħabba li ħafna komunitajiet li jaqgħu taħt l-awtorità ta’ muniċipalitajiet jew żoni amministrattivi ma jistgħux jipparteċipaw fis-sejħiet indipendentement minħabba li jkunu jridu jiksbu l-approvazzjoni ta’ awtorità ogħla. Dan ifixkel l-iżvilupp tal-komunitajiet żgħar, b’mod partikolari dawk f’żoni muntanjużi. |
6. Skedi tal-pajjiżi
6.1 |
Il-Kummissjoni għandha tkun aktar assertiva fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet f'SM individwali u mhux l-inqas fl-iżgurar tal-promozzjoni tagħhom u impenn għall-proċess fi SM oħrajn. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet kollha għandhom jiġu implimentati b’involviment akbar mill-imsieħba soċjali. Ta’ min jinnota li fis-snin riċenti kien hemm livell dejjem jikber ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon bir-riformi li għaddejjin f’ħafna pajjiżi. Ir-riformi ta’ spiss jiġu imposti mingħajr ma jittieħdu f’kunsiderazzjoni t-tradizzjonijiet ta’ nazzjonijiet differenti. Il-leġislazzjoni adottata fil-livell Ewropew tiġi implimentata b’mod liberali ħafna f’xi SM u b’mod konservattiv ħafna f’oħrajn. Huwa għalhekk li hija meħtieġa sjieda akbar min-naħa tal-partijiet interessati soċjali. |
6.2 |
L-Istati Membri jiffaċċjaw proċedura kkumplikata ħafna għall-programmazzjoni mill-ġdid li ser twassal għal aktar burokrazija, minħabba li tinvolvi l-istess rekwiżiti bħat-tħejjija ta’ ftehim ta’ sħubija (l-indikaturi tal-prestazzjoni, il-kundizzjonijiet, eċċ.), li jfisser li jiġu involuti aktar esperti u tiġi maqbula nefqa addizzjonali. L-impożizzjoni ta’ wisq obbligi addizzjonali fuq l-impjegati attwali tista’ twassal biex dawn ikunu inqas effettivi f’ħidmiethom – l-oppost tal-effett mixtieq. |
6.3 |
L-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra rrappreżentati fuq il-kumitati tal-monitoraġġ tal-PO ta’ spiss jilmentaw dwar is-setgħa tal-amministrazzjoni nazzjonali meta jittieħdu d-deċiżjonijiet, u dwar il-pressjoni sabiex jiġu ppreżentati l-figuri finanzjarji minflok l-iffokar fuq titjib reali. Huma jilmentaw ukoll dwar in-nuqqas ta’ analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji. |
Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Lulju 2015, C(2015) 4806 final.
(3) ĠU L 270, 15.10.2015, p. 1; ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289; ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259; ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259; ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
(4) COM(2012) 727 final; COM(2013) 144 final; ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1; ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1.
(6) ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1; ĠU L 204, 31.7.2013, p. 11; ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9;
(7) https://ec.europa.eu/priorities/publications/president-junckers-political-guidelines_mt.
(8) Ara n-nota nru 1 f'qiegħ il-paġna.
(9) Il-grupp huwa inkarigat sabiex jidentifika prattiki kemm tajbin kif ukoll ħżiena u jgħin sabiex jinxterdu l-possibbiltajiet ta’ semplifikazzjoni fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-ħidma tiegħu ser tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali ta’ regolamentazzjoni aħjar u l-inizjattiva “baġit iffokat fuq ir-riżultati”, COM(2015) 639, p. 6.
(10) Ara nota nru 2 f'qiegħ il-paġna.
(11) Ara nota nru 3 f’qiegħ il-paġna.
(12) Ara nota nru 4 f’qiegħ il-paġna.
(13) Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, COM (2014) 903 final.
(14) Green Paper dwar il-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali; L-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs; In-Negozji tal-Familja fl-Ewropa bħala sors ta’ tkabbir imġedded u impjiegi aħjar.
(15) L-Artikolu 14(1) tar-Regolament 1304/2013 jgħid: “Minbarra l-għażliet msemmija fl-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-Kummissjoni tista' tħallas lura n-nefqa mħallsa mill-Istati Membri fuq il-bażi tal-iskali standard tal-ispejjeż unitarji u s-somom f'daqqa definiti mill-Kummissjoni”.
(16) L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD)
(17) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40.
(18) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, COM(2015) 639 final, p. 14.
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/103 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għall-prodotti u s-servizzi”
[COM(2015) 615 final – 2015/0278 (COD)]
(2016/C 303/14)
Relatur:
is-Sur Ask Løvbjerg ABILDGAARD
Nhar it-13 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi”
[COM(2015) 615 final – 2015/0278 (COD)].
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Mejju 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'152 vot favur, u astensjoni waħda (1).
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà. |
1.2 |
Il-KESE isib li l-proposta għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà hija eżempju tajjeb ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li għan biex tiżgura li s-Suq Intern ikun jista’ jaqdi kemm liċ-ċittadini kif ukoll lill-kumpaniji. |
1.3 |
Abbażi tas-sorveljanza tas-suq u analiżijiet tal-ostakoli madwar l-UE relatati mal-aċċessibbiltà għal persuni b’limitazzjonijiet funzjonali, il-KESE jipproponi li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva proposta jiġi estiż b’mod gradwali, wara li ssir evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-direttiva proposta u f'konsultazzjoni mal-parti interessata, sabiex ikopri t-terminals tal-ħlas, is-servizzi ta’ ospitalità, is-servizzi tal-assigurazzjoni, ir-rivisti u l-gazzetti elettroniċi, kif ukoll il-bini fiżiku u siti web li jippermettu aċċess għal prodotti u servizzi li huma koperti b’mod ieħor mid-direttiva. |
1.4 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati sabiex iwessgħu l-interpretazzjoni tal-bażi legali tal-proposta, l-Artikolu 114 tat-TFUE, sabiex tiġi evitata enfasi limitata wisq fuq il-frammentazzjoni tas-suq eżistenti b’rabta mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà. |
1.5 |
Il-KESE jipproponi li l-infrastruttura tat-trasport u l-vetturi li mhumiex koperti b’xi mod ieħor mir-regolamenti tal-UE dwar l-aċċessibiltà jiġu inklużi b’mod espliċitu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva biex jiġu evitati lakuni regolatorji mhux intenzjonati. |
1.6 |
Il-KESE jirrakkomanda li tiġi inkluża dispożizzjoni speċifika fit-test tad-Direttiva li tistipula li mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, l-obbligi tagħha japplikaw biss għal prodotti jew servizzi ġodda. Dan sabiex jiġi evitat telf imġarrab minn investiment fl-aċċessibbiltà li jkun diġà seħħ. |
1.7 |
Il-KESE jipproponi li tiġi introdotta skema ta’ tikkettar tal-aċċessibbiltà mal-UE kollha bħala mezz ta’ kif jiġi żgurat li l-persuni li jgħixu f’limitazzjonijiet funzjonali jkunu jistgħu jsibu tagħrif affidabbli u faċilment disponibbli dwar l-aċċessibbiltà tal-prodotti u s-servizzi. |
1.8 |
Il-KESE jirrakkomanda li d-direttiva tipprevedi korpi tal-infurzar b’saħħithom u mgħammra sewwa sabiex ikunu jistgħu jikkooperaw madwar l-Istati Membri bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi ekonomiċi fir-rigward tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà. |
1.9 |
Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ sorveljanza tas-suq attiva sabiex tiġi evitata konformità mal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà mill-partijiet rilevanti kollha li jiddependu wisq fuq ilmenti individwali minn konsumaturi li jgħixu b’limitazzjonijiet funzjonali. |
1.10 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-inklużjoni ta’ “jinftiehem” bħala rekwiżit fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi rilevanti kollha koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. |
2. Sfond għall-proposta
2.1 |
Il-miżuri ta’ aċċessibbiltà jipprevjenu jew ineħħu l-ostakoli għall-użu ta’ prodotti u servizzi konvenzjonali. Din tippermetti l-perċezzjoni, l-operazzjoni u l-fehim ta’ dawk il-prodotti u s-servizzi minn persuni b’limitazzjonijiet funzjonali, inklużi l-persuni b’diżabilità (1), fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor. |
2.2 |
Id-domanda għall-prodotti u s-servizzi aċċessibbli hija għolja u l-għadd ta’ ċittadini b’diżabilitajiet u/jew limitazzjonijiet funzjonali ser jiżdied b’mod sinifikanti hekk kif il-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea tixjieħ dejjem iktar. |
2.3 |
Meta jitqies it-tixjiħ demografiku, huwa mistenni li fl-2020 madwar 120 miljun ruħ fl-Unjoni Ewropea ser ikunu qed ibatu minn diversi diżabilitajiet u/jew diżabilitajiet żgħar. |
2.4 |
It-titjib tal-funzjonament tas-suq intern għal prodotti u servizzi aċċessibbli jkopri kemm il-ħtiġijiet ta’ dawn iċ-ċittadini/il-konsumaturi kif ukoll dawk tal-kumpaniji. |
2.5 |
Bħalissa, l-operaturi ekonomiċi qed iħabbtu wiċċhom ma' rekwiżiti tal-aċċessibbiltà nazzjonali diverġenti, u ħafna drabi kontradittorji, li jwaqqfuhom milli jibbenefikaw mill-potenzjal tas-suq intern. |
2.6 |
L-aċċessibbiltà hija parti integrali mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) (2), li minnha l-UE hija parti flimkien ma’ 25 mill-Istati Membri tagħha (3). |
2.7 |
Id-Direttiva proposta hija maħsuba wkoll biex tappoġġja lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenji nazzjonali tagħhom, kif ukoll l-obbligi tagħhom skont l-UNCRPD rigward l-aċċessibbiltà, u b’hekk biex tissodisfa l-obbligi tal-UE bħala parti mill-Konvenzjoni. |
2.8 |
Kif kien indikat fuq, sa ċertu punt diġà jeżistu xi differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-leġiżlazzjoni, l-istandards u l-linji gwida dwar l-aċċessibbiltà u dawn x’aktarx li jiżdiedu hekk kif l-Istati Membri jiżviluppaw regoli ta’ aċċessibbiltà ġodda. Din hija parzjalment konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tal-UNCRPD għall-UE u għall-maġġoranza tal-Istati Membri, kif ukoll tal-karattru ġenerali tad-dispożizzjonijiet tagħha, li huma miftuħa għal interpretazzjonijiet u prattiki differenti meta dawn jiġu implimentati fil-livell nazzjonali. |
2.9 |
Konsegwentement, l-awtoritajiet u l-atturi ekonomiċi kollha jiffaċċjaw inċertezzi fir-rigward tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għall-bejgħ transkonfinali potenzjali ta’ prodotti u servizzi, kif ukoll fir-rigward tal-qafas ta’ politika applikabbli għall-aċċessibbiltà. Barra minn hekk, hemm riskju li fil-ġejjieni jiżdiedu inċertezzi addizzjonali flimkien mal-implimentazzjoni ulterjuri tal-UNCRPD mill-Istati Membri. |
3. Il-kontenut essenzjali tal-proposta
3.1 |
Id-Direttiva proposta hija maħsuba biex tipprevedi definizzjoni komuni tal-UE u qafas ta’ implimentazzjoni għar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà ta’ ċerti prodotti u servizzi. |
3.2 |
Id-Direttiva proposta ser tarmonizza r-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għal lista ta’ prodotti u servizzi:
|
3.3 |
Barra minn hekk, il-proposta tapplika l-istess rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà biex tiddefinixxi u tagħti kontenut lill-obbligu ta’ aċċessibbiltà, li diġà jeżisti iżda mhuwiex definit, stabbilit fil-liġi tal-UE, bħal fil-qasam tal-Akkwist Pubbliku u tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment. |
3.4 |
Il-proposta ma tispeċifikax fid-dettall kif għandu jintlaħaq fil-prattika l-obbligu biex prodott jew servizz isir aċċessibbli billi jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà definiti. Jekk dan l-approċċ iwassal għal ostakoli fis-suq intern, il-proposta tagħti lill-Kummissjoni alternattivi oħrajn sabiex tipprovdi gwida lill-Istati Membri, bħal miżuri ta’ standardizzazzjoni jew ta’ implimentazzjoni. |
3.5 |
Il-proposta tinkludi l-possibbiltà li jintużaw standards armonizzati volontarji li jipprovdu preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà. Din toffri wkoll il-possibbiltà għall-Kummissjoni Ewropea biex toħroġ speċifikazzjonijiet tekniċi fejn l-istandardizzazzjoni Ewropea mhux adegwata twassal għal lakuni ovvji fil-linji gwida għall-aċċessibilità. |
3.6 |
Il-proposta tipprevedi valutazzjoni tal-konformità ħafifa (awtodikjarazzjoni) u mekkaniżmi ta’ sorveljanza tas-suq eżistenti biex tiġi vvalutata l-konformità tal-prodotti mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà. Hija tipprovdi wkoll proċedura eħfef biex tiġi vverifikata l-konformità tas-servizzi. |
3.7 |
Il-proposta tobbliga lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-applikazzjoni tal-miżuri kollha tad-Direttiva, inkluż il-moviment liberu ta’ prodotti u servizzi, sa sitt snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. |
4. Kummenti ġenerali
4.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ bi pjaċir il-proposta mill-Kummissjoni bħala strument legali maħsub biex jaċċerta li s-suq intern jaqdi liċ-ċittadini u lill-kumpaniji bl-istess mod. |
4.2 |
Il-proposta għandha potenzjal sinifikanti li twassal trasparenza, ċarezza u konsistenza akbar madwar is-suq intern għall-operaturi ekonomiċi, inklużi manifatturi u fornituri tas-servizzi, biex b’hekk jitnaqqas il-prezz ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli fl-UE. B’mod partikolari, il-proposta għandha l-potenzjal li tbaxxi l-limitu tad-dħul għal operaturi ekonomiċi iżgħar li għandhom soluzzjonijiet ta’ aċċessibbiltà x’joffru barra mis-swieq nazzjonali ta’ spiss stretti tagħhom. |
4.3 |
Barra minn hekk, il-proposta għandha l-potenzjal li tibni l-fiduċja fost il-konsumaturi bi bżonnijiet ta’ aċċessibbiltà fix-xiri transkonfinali ta’ prodotti u servizzi, b’mod partikolari bħala konsegwenza tal-inklużjoni tal-kummerċ elettroniku fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta. |
4.4 |
Il-KESE huwa persważ li l-proposta għal Direttiva tkun adattata aħjar sabiex taqdi l-iskop tagħha jekk tkun mgħammra b’kamp ta’ applikazzjoni aktar komprensiv u b’mekkaniżmi ta’ infurzar aktar b’saħħithom. |
4.5 |
Il-KESE qed jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex terġa’ tikkunsidra l-interpretazzjoni limitata tagħha tal-Artikolu 114 tat-TFUE. L-interpretazzjoni li hija l-bażi tal-proposta tillimita b’mod sinifikanti l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u ma tikkunsidrax biżżejjed l-ostakoli futuri potenzjali għall-kunsinna transkonfinali ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli, sabiex b’hekk thedded li trażżan l-inklużjoni tas-soluzzjonijiet ta’ aċċessibbiltà fl-ippjanar fit-tul tal-kumpaniji li joperaw fis-setturi u s-swieq li mhumiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta. |
4.6 |
Il-kamp ta’ applikazzjoni propost huwa limitat sa ċertu punt fejn jistgħu jiġu koperti biss partijiet minn servizz mir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà tad-Direttiva, sitwazzjoni li tagħmel partijiet oħrajn inaċċessibbli jew, f’xi każijiet, tagħmel is-servizz b’mod ġenerali inaċċessibbli għall-persuni b’limitazzjonijiet funzjonali. Eżempju ta’ dan huwa s-servizzi bankarji; id-direttiva ma tagħmilhiex obbligatorja għall-banek li jagħmlu l-bini fiżiku tagħhom aċċessibbli għall-persuni b’limitazzjonijiet funzjonali. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1 |
Abbażi tas-sorveljanza tas-suq u analiżijiet tal-ostakoli madwar l-UE relatati mal-aċċessibbiltà għal persuni b’limitazzjonijiet funzjonali, il-KESE jipproponi li titqies l-inklużjoni gradwali, wara l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva proposta u f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati, tal-elementi segwenti fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva:
|
5.2 |
B’mod ġenerali, il-KESE jirrakkomanda li titwessa’ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 114 tat-TFUE sabiex tippermetti kamp ta’ applikazzjoni usa’ tad-direttiva. B’konformità mal-każistika tal-QtĠ-UE, il-frammentazzjoni tas-suq potenzjali, il-kumplessità teknika tar-regolamentazzjoni ta’ suq partikolari u l-protezzjoni tal-konsumaturi huma kollha aspetti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll meta jiġu proposti atti leġiżlattivi abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE (4). B’hekk, il-frammentazzjoni tas-suq attwali mhijiex l-uniku kriterju li għandu jiġi applikat meta jkun irid jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. |
5.3 |
Il-KESE jipproponi li l-infrastruttura tat-trasport u l-vetturi li mhumiex koperti b’xi mod ieħor mir-regolamenti tal-UE dwar l-aċċessibiltà jiġu inklużi b’mod espliċitu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva biex jiġu evitati lakuni regolatorji mhux intenzjonati. Tali espansjoni moderata fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tkun tippermetti definizzjoni tar-rekwiżiti li jirrigwardjaw l-aċċessibbiltà ta’ infrastruttura tat-trasport relevanti, bini kkollegat mal-infrastruttura tat-trasport kif ukoll vetturi, li mhumiex koperti mill-leġislazzjoni eżistenti tal-UE, sabiex b’hekk tiġi evitata d-distinzjoni arbitrarja bejn il-mezzi tat-trasport u l-infrastruttura tat-trasport differenti u biex tiġi ffaċilitata l-aċċessibbiltà tal-katina kollha tat-trasport għall-persuni b’limitazzjonijiet funzjonali li jkunu jixtiequ jivvjaġġaw. |
5.4 |
Il-KESE jqis li għandu jiġi ċċarat li mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, l-obbligi tagħha jkunu japplikaw biss għal prodotti jew servizzi ġodda. Dan jippermetti li jiġi evitat telf minn investiment fl-aċċessibbiltà li jkun diġà seħħ. Meta wieħed iqis il-ħajja qasira tal-prodotti u s-servizzi tat-teknoloġija tal-informatika, ikun jagħmel sens li jitqassar il-qafas taż-żmien ta’ sitt snin għad-dħul fis-seħħ, għall-inqas għad-dispożizzjonijiet li japplikaw għat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u l-informatika u s-servizzi relatati. |
5.5 |
Li kieku partijiet mill-ambjent mibni u l-infrastruttura fiżika kellhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kif irrakkomandat mill-KESE, jista’ jiġi kkunsidrat li tiġi applikata implimentazzjoni progressiva tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà, bil-prodotti u s-servizzi relatati mat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u l-informatika jaqgħu f’qafas ta’ żmien iqsar għall-implimentazzjoni u l-ambjent mibni jaqa’ f’wieħed itwal. |
5.6 |
Il-KESE jipproponi li d-direttiva tipprevedi espliċitament il-ħolqien ta’ tikketta għall-UE kollha għall-aċċessibbiltà tal-prodotti u s-servizzi li tista’ tiffaċilita l-implimentazzjoni tad-direttiva. Il-markar CE, kif previst fil-proposta mill-Kummissjoni, mhux ser ikun mod ta’ kif tintwera l-aċċessibbiltà għall-konsumaturi b’limitazzjonijiet funzjonali. Il-konsumatur ma jistax ikun mistenni li jkun familjari mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva proposta u, konsegwentement, ma jkunx jista’ jiddetermina jekk il-marka CE fuq prodott partikolari tfissirx konformità mal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà jew konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli ta’ natura differenti. Għaldaqstant, l-użu tal-marka CE għandu jitqies bħala strument li jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u servizzi skont il-leġislazzjoni applikabbli, mhux bħala informazzjoni lill-konsumaturi dwar l-aċċessibbiltà. |
5.7 |
Billi l-iskema ta’ markar CE ma tkoprix is-servizzi, il-KESE huwa tal-opinjoni li hemm aktar raġunijiet li għalihom għandha tinħoloq tikketta ta’ aċċessibbiltà ġdida għall-UE bħala konsegwenza tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà. Tikketta li tkopri l-aċċessibbiltà tas-servizzi għandha, min-natura tagħha, tinkludi wkoll ċertu livell ta’ għarfien dwar l-aċċessibbiltà fost il-persunal rilevanti. |
5.8 |
Il-KESE jixtieq jenfasizza li d-direttiva għandha tipprevedi salvagwardja kontra t-tnaqqis tal-istandards tal-aċċessibbiltà eżistenti applikabbli fl-Istati Membri. Għandu jiġi evitat ukoll li jiddgħajfu l-iskemi ta’ tikkettar tal-aċċessibbiltà eżistenti li jiffunzjonaw sewwa. Fl-istess ħin, huwa essenzjali li d-direttiva tintuża sabiex jiġi żgurat li jiġu evitati r-rekwiżiti kontradittorji tal-aċċessibbiltà għall-operaturi. |
5.9 |
Il-KESE jipproponi li jiġu inklużi żewġ definizzjonijiet addizzjonali fid-direttiva:
|
5.10 |
Il-KESE jħoss li huwa importanti li tingħata attenzjoni partikolari lill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet proposti dwar tibdil fundamentali u piż sproporzjonat bil-ħsieb li jiġi evitat li l-eżenzjonijiet mill-obbligi ġenerali tad-direttiva jiġu applikati b’mod arbitrarju. Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa għal valutazzjoni tal-ħtieġa għal tibdil fundamentali u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ piż sproporzjonat fuq bażi ta’ każ b’każ. Huwa ssuġġerit li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata, inklużi l-imsieħba soċjali, u b’mod partikolari r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabilità, jiġu involuti fl-applikazzjoni tal-kunċetti ta’ tibdil fundamentali u piż sproporzjonat b’rabta mas-sorveljanza tas-suq previsti b’mod ieħor fid-direttiva. |
5.11 |
Il-KESE jipproponi li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardjaw l-infurzar tad-direttiva jissaħħu fit-test tal-proposta. Huwa essenzjali li l-korpi tal-infurzar jgħinu sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi ekonomiċi madwar l-UE sabiex jintlaħaq l-għan tad-direttiva, jiġifieri l-moviment liberu ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli fis-suq intern. Għal din ir-raġuni, korp tal-infurzar fi Stat Membru wieħed għandu jkun obbligat li jikkoopera ma’ korpi tal-infurzar fi Stati Membri oħrajn. Barra minn hekk, il-korpi tal-infurzar għandhom ikunu mgħammra b’kapaċità analitika u għarfien espert tekniku suffiċjenti. Dan jippermetti wkoll lill-entitajiet tal-infurzar biex jipprovdu lill-partijiet interessati kollha bi gwida rigward l-applikazzjoni korretta tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà tad-direttiva proposta. |
5.12 |
Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ sorveljanza attiva tas-suq sabiex tiġi evitata applikazzjoni effettiva u trasparenti tad-direttiva proposta li tkun tiddependi wisq fuq ilmenti individwali. Approċċ għas-sorveljanza tas-suq abbażi ta’ ilmenti individwali jimplika riskju sinifikanti ta’ applikazzjoni arbitrarja tad-direttiva u potenzjalment ukoll kundizzjonijiet differenti għall-operaturi ekonomiċi madwar l-Istati Membri, sitwazzjoni li d-direttiva hija maħsuba biex tevita. |
5.13 |
Il-KESE jsib li huwa pożittiv li l-anness 1 għall-proposta għal direttiva li jiddeskrivi r-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà funzjonali applikabbli jinkludi wkoll “jinftiehem” bħala kriterju mmirat biex jiffaċilita l-aċċess mill-persuni b’diżabilitajiet intellettwali, kif ukoll mill-pubbliku ġenerali. Madankollu, il-każijiet li fihom “jinftiehem” intgħażel bħala rekwiżit funzjonali rilevanti jidhru li huma pjuttost arbitrarji. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-inklużjoni ta’ “jinftiehem” bħala rekwiżit fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi rilevanti kollha koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva u l-annessi tagħha. |
Brussell, 25 ta’ Mejju 2016
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b’Diżabilità, il-persuni b’diżabilità jinkludu dawk li għandhom diżabilitajiet fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorji fit-tul, li flimkien ma’ diversi ostakoli jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.
(2) Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD).
(3) Filwaqt li l-Istati Membri kollha tal-UE ffirmaw il-UNCRPD, bħalissa, il-Finlandja, l-Irlanda u n-Netherlands huma fil-proċess li jirratifikaw il-Konvenzjoni.
(4) Kawża C-217/04, ir-Renju Unit v. il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, 2 ta’ Mejju 2006.
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/109 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd”
(COM(2015) 669 final — 2015/0308 (COD)),
“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Ewropa”
(COM(2015) 673 final)
u
“L-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE”
(COM(2015) 671 final — 2015/0310 (COD))
(2016/C 303/15)
Relatur: |
is-Sur Giuseppe IULIANO |
Korelatur: |
is-Sur Cristian PÎRVULESCU |
Nhar il-21 ta’ Jannar u l-4 ta’ Frar 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd”
(COM(2015) 669 final — 2015/0308 (COD)),
“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Ewropa”
(COM(2015) 673 final)
u
“L-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE”
(COM(2015) 671 final — 2015/0310 (COD)).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Mejju 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’133 vot favur u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE huwa ġeneralment favorevoli għall-emendi tar-regolamenti proposti mressqa mill-Kummissjoni iżda beħsiebu jagħmel numru ta’ osservazzjonijiet. |
1.2 |
L-għeluq tal-fruntieri impost minn diversi Stati Membri huwa ta’ theddida serja għat-tħaddim tal-moviment liberu. L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb ta’ Schengen. Waqt is-sessjoni plenarja tiegħu tas-17 ta’ Frar 2016, il-KESE adotta riżoluzzjoni importanti (1) biex jiddefendi ż-żona ta’ Schengen, li fiha huwa talab lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiggarantixxu t-tħaddim tal-moviment liberu, kif ukoll il-konsolidazzjoni u t-tkabbir taż-żona ta’ Schengen. |
1.3 |
Jeħtieġ li r-regoli ta’ Schengen jiġu applikati bl-istess mod fl-Istati Membri kollha; għal dan il-għan, ser ikun meħtieġ li jiġu adottati miżuri ġodda li jkunu legalment vinkolanti. Madankollu, il-KESE ma jaqbilx mal-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kontrolli sistematiċi u obbligatorji għaċ-ċittadini tal-UE fil-fruntieri esterni taż-żona ta’ Schengen, inkwantu din id-dispożizzjoni tillimita t-tħaddim ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali. |
1.4 |
Biex ikun iggarantit il-funzjonament tajjeb ta’ Schengen, jeħtieġ li l-fruntieri esterni, li huma l-fruntieri komuni, jiġu ġestiti b’mod kondiviż bejn l-UE u l-Istati Membri. Il-KESE kien l-ewwel istituzzjoni li pproponiet il-ħolqien ta’ gwardja Ewropea tal-fruntiera. |
1.5 |
Il-proposta li jissaħħaħ il-mandat tal-Frontex billi din l-aġenzija tiġi pprovduta b’timijiet ġodda u kontinġent ta’ intervent rapidu ta’ 1 500 aġent u espert trid tkun akkumpanjata minn titjib fit-trasparenza fir-rigward tal-governanza tagħha, l-azzjonijiet tagħha u l-kapaċità tagħha li tagħti rendikont. |
1.6 |
Jeħtieġ li tittejjeb il-kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Frontex u l-awtoritajiet nazzjonali. L-Aġenzija għandha ssaħħaħ iċ-ċentru ta’ analiżi tar-riskji u għal dan il-għan hija tkun tista’ tiskjera uffiċjali ta’ kollegament fl-Istati Membri u jkollha mandat li jawtorizzaha tivvaluta l-kapaċità operattiva u r-riżorsi disponibbli. Hija r-responsabbiltà tal-UE li tiżgura li l-Istati Membri jikkooperaw fl-operazzjonijiet li l-Aġenzija twettaq fil-fruntieri. |
1.7 |
Id-dritt tal-Aġenzija li tintervjeni anki jekk l-Istat Membru involut ma jitlobx għajnuna hija l-aktar miżura sensittiva fil-proposta tal-Kummissjoni. Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi dwar intervent tal-Aġenzija fil-fruntieri esterni, iżda biss f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u skont proċedura trasparenti li tipprevedi li l-leġislaturi Ewropej (il-Parlament u l-Kunsill) jiġu infurmati minnufih. |
1.8 |
Jeħtieġ li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn id-diversi aġenziji u istituzzjonijiet li huma kompetenti fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri, tas-sorveljanza tal-kosta, tas-sigurtà marittima, tas-salvataġġ fuq il-baħar, tad-dwana u tas-sajd. Madankollu, għandu jiġi żgurat li dawn il-korpi jżommu l-integralità tal-missjonijiet rispettivi tagħhom. F'dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li r-regolament jirreferi għal “gwardja Ewropea tal-fruntiera” u li jitneħħa l-kliem “tal-kosta” (2). |
1.9 |
Jeħtieġ li l-kontroll tal-fruntieri ma jiġix “militarizzat”. Il-gwardja tal-fruntiera mgħandux ikollha natura militari iżda ta’ pulizija ċivili. |
1.10 |
Meta persuni jkunu f’sitwazzjoni ta’ riskju għal ħajjithom jew għas-sigurtà tagħhom fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, kemm dawk marittimi kif ukoll dawk tal-art, l-ewwel obbligu tal-gwardja tal-fruntiera u ta’ korpi oħrajn li jaħdmu fuq il-post huwa li jsalvawhom u jgħinuhom kif ikun xieraq. Il-KESE jinnota li matul dawn l-aħħar xhur, ħafna persuni spostati minħabba xi kunflitt fil-qrib mietu mal-kosti tal-UE jew fil-fruntieri tagħha mingħajr ma l-awtoritajiet implimentaw l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ u ta’ protezzjoni li kienu meħtieġa. |
1.11 |
Il-KESE jemmen li jkun ta' benefiċċju għall-proposta tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni jekk tiġi adottata b’mod parallel ma’ reviżjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Il-kriżi attwali tirrifletti n-nuqqas ta’ kapaċità tal-UE li timplimenta s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u li tagħti protezzjoni xierqa lill-mijiet ta’ persuni spostati u tal-persuni li jfittxu ażil fil-fruntieri tagħna. Ċerti gvernijiet irrifjutaw il-proposti tal-Kummissjoni u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ rilokazzjoni u ta’ risistemazzjoni u rrifjutaw li jirrispettaw l-obbligi tagħhom taħt it-Trattat u d-dritt internazzjonali. |
1.12 |
Il-KESE jenfasizza li f’diversi okkażjonijiet, l-awtoritajiet inkarigati mill-fruntieri ma rrispettawx il-prinċipju ta’ non-refoulement li jidher espressament fid-dritt internazzjonali dwar l-ażil u fit-Trattat. Huwa jirrakkomanda, fil-qafas tas-sistema integrata l-ġdida tal-fruntieri esterni, li jittejbu l-garanziji li d-drittijiet tal-Bniedem jiġu rrispettati. |
1.13 |
Biex jikkollabora mal-Aġenzija f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-KESE jipproponi li jkollu rappreżentant fost il-membri tal-forum konsultattiv iddedikat għal dan is-suġġett. Huwa jressaq ukoll il-proposta li jissaħħu s-setgħat tal-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali b’mod li jkun jista’ jaġixxi fuq inizijattiva proprja, kif ukoll li jiġi implimentat il-mekkaniżmu ta’ rimedju li ġie propost mill-Ombudsman Ewropew. |
1.14 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni fuq is-sitwazzjoni ta’ abbandun u ta’ nuqqas ta’ protezzjoni li bħalissa qegħdin isofru minnha, ġewwa l-UE, l-eluf ta’ barranin minuri mhux akkumpanjati li qegħdin jaslu fit-territorju tagħna wara li ġew spostati minħabba l-kunflitti u jissuġġerixxi lill-Kummissjoni biex tniedi miżuri urġenti ta’ protezzjoni għalihom. |
2. Sfond
2.1 |
Ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 stabbilixxa Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX). |
2.2 |
Il-KESE fassal Opinjoni (3) dwar dan it-test, li fiha laqa’ l-istabbiliment tal-FRONTEX, filwaqt li fakkar li jeħtieġ li jiġi ggarantit, fil-fruntieri tal-Unjoni, ir-rispett tad-dritt tal-ażil (il-prinċipju tan-non-refoulement) u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali. |
2.3 |
Ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 imbagħad stabbilixxa mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri u emenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 fir-rigward ta’ dak il-mekkaniżmu u rregola l-kompiti u l-poteri ta’ uffiċjali mistiedna. Skont l-emenda għal dan ir-Regolament, Stat Membru jista’ jitlob li fit-territorju tiegħu, bħala parti mill-Aġenzija, jiġu skjerati timijiet ta’ intervent rapidu fil-fruntieri, li jikkonsistu f’esperti mħarrġin apposta minn Stati Membri oħrajn. |
2.4 |
Il-KESE fassal Opinjoni (4) fejn esprima li kien favur l-aġġornament tar-Regolament. Madankollu wissa rigward il-ħtieġa ta’ protezzjoni akbar tad-drittijiet tal-Bniedem u d-dritt għall-ażil. Ħareġ ukoll twissija dwar il-periklu li l-attivitajiet marbuta mas-sorveljanza u l-kontroll tal-fruntieri esterni jiġu “militarizzati”. |
2.5 |
Id-Direttiva 2008/115/KE, magħrufa bħala d-“Direttiva dwar ir-Ritorn”, stabbilixxiet standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment “skont id-drittijiet fundamentali […] inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem”. |
2.6 |
L-aħħar emenda għal FRONTEX saret f’Ottubru 2011 u fetħet it-triq għal definizzjoni tal-kontroll tal-fruntieri bħala responsabbiltà kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri u għall-istabbiliment ta’ ġestjoni integrata. Bdew jiffurmaw timijiet Ewropej ta’ gwardji tal-fruntiera iżda hija dejjem ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru li jitlob l-għajnuna tal-Aġenzija. Ir-rwol tal-FRONTEX fl-operazzjonijiet ta’ ritorn issaħħaħ ukoll u sar xi titjib ukoll f’dak li jirrigwarda l-mandat tagħha għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. |
3. Proposta tal-Kummissjoni: Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u ġestjoni effiċjenti tal-fruntieri esterni tal-Ewropa
3.1 |
Il-proposta mressqa mill-Kummissjoni li toħloq gwardja Ewropea tal-fruntiera u tal-kosta tifforma parti mill-miżuri previsti mill-aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni biex tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u s-sigurtà tagħhom u tissodisfa l-ħtieġa ta’ kontrolli msaħħa fil-fruntieri esterni tal-UE, skont is-sejħa li saret mill-Ministri tal-Intern fl-20 ta’ Novembru 2015 (5). |
3.2 |
Dan il-korp ser jiġbor fih l-Aġenzija Ewropea tal-gwardja tal-fruntiera u tal-kosta, magħmula mill-FRONTEX, u l-awtoritajiet inkarigati mill-ġestjoni tal-fruntieri tal-Istati Membri, li sejrin ikomplu jamministraw il-ġestjoni tagħhom ta’ kuljum. |
3.3 |
Il-korp il-ġdid Ewropew ta’ gwardji tal-fruntieri u tal-kosta ser ikollu riżerva ta’ intervent rapidu magħmula minn 1 500 aġent u espert, li jistgħu jkunu skjerati f’inqas minn tlett ijiem, u minn stokk ta’ tagħmir tekniku, ser ikollu funzjoni ta’ monitoraġġ u ta’ sorveljanza u d-dritt li jintervjeni, ser iwettaq attività ta’ sorveljanza tal-kosta u mandat biex jopera fil-pajjiżi terzi, ser jiggarantixxi livell għoli ta’ sigurtà interna u ser ikollu rwol aktar deċiżiv f’dak li jirrigwarda r-ritorn. F’dak li jirrigwarda r-ritorn, dokument tal-ivvjaġġar Ewropew standardizzat ser jiggarantixxi li l-persuni soġġetti għalih jiġu aċċettati aktar mill-pajjiżi terzi. |
3.4 |
Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ukoll miżuri oħrajn għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni u għall-ħarsien taż-żona ta’ Schengen li mgħandhiex fruntieri interni. Biex tkompli ssaħħaħ is-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej, hija tipproponi li timplimenta kontrolli sistematiċi tal-persuni kollha li jidħlu fiż-żona ta’ Schengen jew joħorġu minnha, permezz ta’ konsultazzjoni tal-bażijiet tad-data rilevanti. Il-proposti ser jikkontribwixxu għall-ġestjoni tal-fluss migratorju b’mod aktar effiċjenti, itejbu s-sigurtà interna tal-UE u jissalvagwardjaw il-prinċipju taċ-ċirkolazzjoni libera tal-persuni. |
3.5 |
Il-Kummissjoni tipproponi emenda mmirata tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen bl-għan li tistabbilixxi obbligi ta’ kontrolli sistematiċi għaċ-ċittadini tal-UE fil-fruntieri esterni kollha fuq l-art, fuq il-baħar u fl-ajru, billi tikkonsulta l-bażijiet tad-data bħas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen, il-bażi tad-data tal-Interpol dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa jew mitlufa, jew inkella s-sistemi nazzjonali rilevanti. Il-proposta tinsisti wkoll fuq il-ħtieġa li tiġi kkontrollata d-data bijometrika tal-passaporti taċ-ċittadini tal-UE, meta jkun hemm dubju dwar l-awtentiċità tal-passaport jew dwar il-leġittimità tad-detentur tiegħu. Minn issa ’l quddiem, il-kontrolli ser ikunu wkoll obbligatorji mal-ħruġ mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. |
4. Kummenti ġenerali
4.1 |
Waqt il-laqgħa tal-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni (6) li sar fis-26 u s-27 ta’ Jannar 2015, is-soċjetà ċivili, mistiedna mill-Kummissjoni u mill-KESE, iddiskutiet mal-istituzzjonijiet Ewropej dwar is-sitwazzjoni ta’ emerġenza umanitarja fil-Mediterran u dwar il-wasla ta’ flussi komposti, magħmulin minn immigranti ekonomiċi u minn persuni li jfittxu l-ażil. Abbażi tal-konklużjonijiet tal-Forum, il-Kummissjoni adottat diversi inizjattivi li jtejbu l-politiki dwar l-ażil u l-fruntieri. Il-KESE madankollu jiddispjaċih li l-Kunsill ma kkunsidrax dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, ħafna mill-problemi attwali setgħu ġew evitati kieku r-rakkomandazzjonijiet tagħhom ġew implimentati. |
4.2 |
Il-kriżi attwali turi b’mod ċar il-limiti tal-mudell ta’ ġestjoni tal-fruntieri esterni u n-nuqqas ta’ adegwatezza tal-mandat li l-FRONTEX għandha llum. F’diversi Opinjonijiet tiegħu (7), il-KESE ippropona li l-fruntieri esterni taż-żona ta’ Schengen jitqiesu mill-UE bħala fruntieri komuni u li għalhekk, il-ġestjoni tagħhom taqa’ taħt ir-responsabbiltà kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri. |
4.3 |
Il-KESE kien l-ewwel istituzzjoni li pproponiet il-ħolqien ta’ gwardja Ewropea tal-fruntiera. Bl-istess mod, huwa fassal proposti (8) biex jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-qafas tal-kontrolli fil-fruntieri u l-politika ta’ ritorn. |
4.4 |
Il-KESE jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tibbenefika jekk tiġi adottata b’mod parallel ma’ reviżjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. L-influss enormi ta’ persuni spostati fil-fruntieri esterni ta’ ċerti pajjiżi bħalissa jaqbeż il-kapaċità ta’ azzjoni ta’ dawn l-Istati u jiżvela b’mod ċar li s-sistema ta’ Dublin ma taħdimx għall-ġestjoni tal-wasla ta’ massa ta’ persuni spostati u li jfittxu l-ażil. Jeħtieġ li r-responsabbiltajiet ikunu kondiviżi u ġestiti b’mod solidari. Il-Kumitat qed iressaq il-proposti li ġejjin: |
4.4.1 |
li l-UE tapplika l-pjan ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza u tistabbilixxi l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni permanenti, kif approvati fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Settembru 2015, |
4.4.2 |
li jissaħħu l-programmi ta’ risistemazzjoni għat-trasferiment tar-refuġjati minn barra l-UE u s-sistemazzjoni tagħhom fl-Unjoni, bil-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, |
4.4.3 |
li jitniedu programmi ġodda ta’ rilokazzjoni fi ħdan l-UE, bil-provvista ta’ inċentivi finanzjarji għal dawk l-Istati Membri li jidħlu fihom. Il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni għandu jkun permanenti u effettiv u bbażat fuq formula ta’ distribuzzjoni. |
4.4.4 |
Il-KESE diġà stqarr f’okkażjonijiet oħrajn (9) li s-sistema ta’ Dublin għandha tkun emendata u sostitwita minn sistema li tiżgura s-solidarjetà fi ħdan l-UE, tikkunsidra x-xewqat ta’ dawk li jfittxu l-ażil, u tiggarantixxi tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri. |
4.5 |
Il-proposta tal-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija f’dak li jirrigwarda l-operazzjonijiet ta’ ritorn. Il-Kumitat ifakkar: |
4.5.1 |
li l-proċedura amministrattiva ta’ tkeċċija għandha tkun individwali u li kull persuna li tkun soġġetta għaliha għandha tkun tista’ tressaq il-kummenti tagħha lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, |
4.5.2 |
li l-Karta tipprojbixxi espressament it-tkeċċijiet kollettivi u tiżgura li “ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew ikun estradit lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti” (il-prinċipju tan-non-refoulement). |
4.5.3 |
Il-Kumitat diġà stqarr (10) li l-UE m’għandhiex tikkunsidra lit-Turkija bħala pajjiż bla periklu fil-qasam tal-ażil. Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u diversi NGOs, billi ddikjaraw li “r-refuġjati jkollhom bżonn protezzjoni aktar milli ta’ refoulement”, innotaw li l-ftehim reċenti bejn l-UE u t-Turkija ma jirrispettax bis-sħiħ il-liġi internazzjonali fil-qasam tal-ażil (11). Id-deċiżjoni tal-Maċedonja li jagħlaq il-fruntieri tiegħu għar-refuġjati jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt għall-ażil. |
4.6 |
Il-KESE huwa sodisfatt li ġew stabbiliti, fil-qasam tar-riforma tar-Regolament FRONTEX ta’ Ottubru 2011, il-forum konsultattiv dwar id-drittijiet fundamentali u l-kariga ta’ uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u li xi wħud mill-proposti li kien għamel (12) favur il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni ġew ikkunsidrati fil-proposta ta’ regolament ġdid. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1 |
Il-KESE jirrakkomanda approċċ li jkun kemm integrat kif ukoll preventiv, li jiffoka fuq l-analiżi attenta tad-data dwar il-mobilità fil-fruntieri tal-Unjoni u li jkun kapaċi jbassar minn qabel fejn u meta l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jeħtieġu l-għajnuna. Bl-istess mod, jeħtieġ li jiġi żviluppat sett ta’ linji gwida u ta’ indikaturi li jistgħu jirriflettu sa liema punt din is-sistema integrata tissodisfa l-missjoni kumplessa li ġiet attribwita lilha. L-esperjenza tas-sistema ta’ Schengen u l-proċeduri ta’ valutazzjoni li jirrigwardawha huma rilevanti biex jinbena mekkaniżmu simili ta’ ġestjoni tal-informazzjoni u tal-miżuri operattivi. |
5.2 |
Rigward id-deċiżjonijiet li jorbtu lill-Aġenzija u d-dritt tagħha li tintervjeni, il-KESE, waqt li jqis li dawn id-dispożizzjonijiet huma essenzjali, iqis li jeħtieġ li l-UE tuża l-mezzi kollha meħtieġa biex tiżgura li l-Istati Membri jikkooperaw fi kwalunkwe operazzjoni mnedija mill-istess Aġenzija fuq il-fruntieri. Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi dwar intervent tal-Aġenzija fil-fruntieri esterni, iżda biss f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u skont proċedura trasparenti li tipprevedi li l-leġislaturi Ewropej (il-Parlament u l-Kunsill) jiġu infurmati minnufih. Din hija dimensjoni essenzjali għas-suċċess ta’ approċċ integrat u koordinat għall-ġestjoni tal-fruntieri, li għandha tkun akkumpanjata minn titjib fit-trasparenza u konsolidazzjoni tal-kapaċità tagħja li tagħti rendikont dwar il-governanza u l-azzjonijiet tagħha. |
5.3 |
Il-KESE jikkunsidra li jeħtieġ li jiżdied il-livell ta’ koordinazzjoni bejn id-diversi aġenziji li għandhom responsabbiltajiet ta’ sorveljanza tal-kosti, ta’ kontroll tal-fruntieri, ta’ dwana, ta’ sigurtà marittima, ta’ tiftix u salvataġġ fuq il-baħar, ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-sajd. Huwa possibbli li tiġi evitata d-duplikazzjoni u li jiġu ffrankati l-flus, tal-inqas fil-livell tal-baġit tal-Unjoni. Madankollu, għandna niżguraw li d-diversi aġenziji u istituzzjonijiet iżommu l-kompiti rispettivi tagħhom kollha u jevitaw li jkunu soġġetti għal sovrastruttura li jkollha l-għan tas-sigurtà. |
5.4 |
Il-KESE jilqa’ l-proposta li tinħoloq Gwardja tal-Fruntiera, magħmula minn 1 500 espert (pulizija tal-fruntieri). Id-daqs ta’ dan il-korp jista’ jinbidel maż-żmien, skont il-ħtieġa. Il-ħeffa li biha dawn il-gwardji tal-fruntiera ser jintbagħtu fiż-żoni tal-fruntieri u l-mod kif ser jikkollaboraw mal-kontropartijiet tagħhom huma fatturi importanti. |
5.5 |
Aspett ieħor essenzjali tat-tħejjija operattiva tagħhom huwa dak tat-taħriġ. Il-KESE jikkunsidra li jeħtieġ li jitħarrġu kemm il-gwardji tal-fruntieri tal-korp Ewropew kif ukoll dawk tal-Istati Membri. L-Aġenzija għandha tassumi rwol ewlieni fit-taħriġ u fit-trasferiment ta’ prattiki tajba bejn il-gwardji tal-fruntieri tal-Istati Membri kollha. Waqt il-programmi ta’ taħriġ, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għad-drittijiet fundamentali, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-gwardji tal-fruntiera huma l-ewwel persuni ta’ kuntatt li jiltaqgħu magħhom ir-refuġjati u l-immigranti, li jkunu fi stat ta’ vulnerabbiltà kbira. |
5.6 |
Huwa pożittiv li l-Aġenzija tieħu sehem fl-operazzjonijiet ta’ ritorn. Minħabba l-attenzjoni li ser tingħata fil-futur din il-politika, huwa possibbli li r-riżorsi li ser jingħataw lill-Aġenzija ser ikunu insuffiċjenti. Fil-formulazzjoni tal-Komunikazzjoni bħal fil-livell operattiv, jeħtieġ ukoll li jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet li taħthom l-Aġenzija ser tipparteċipa fl-attivitajiet ta’ ritorn, b’mod partikolari meta hija tniedi operazzjonijiet fuq inizjattiva proprja. Bl-istess mod, l-Aġenzija għandha tassigura li tipparteċipa f’operazzjonijiet ta’ ritorn li jsiru f’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati (13). |
5.7 |
L-Aġenzija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti biex tiżgura kondizzjonijiet ta’ akkoljenza xierqa għall-persuni soġġetti għal ritorn, inkluż fir-rigward tas-sigurtà tagħhom. Il-KESE jqis li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huwa prerekwiżit għall-iffirmar tal-ftehimiet ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi terzi u jirrifjuta li l-Istati Membri jew l-UE kollha jiffirmaw ftehimiet ta’ ritorn ma’ pajjiżi li ma rratifikawx l-istrumenti internazzjonali ewlenin ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jew kisruhom b’mod sistematiku (14). |
5.8 |
Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prijorità għall-Aġenzija. Dawn japplikaw għal kulħadd u mhux biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-persuni li jfittxu l-ażil u l-immigranti huma mħarsa mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (15). B’mod aktar speċifiku, il-KESE huwa mħasseb dwar dak li jirrigwarda r-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-operazzjonijiet li jseħħu fil-pajjiżi terzi, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni waqt l-operazzjonijiet ta’ kontroll fid-daħla tat-territorju tal-Unjoni, it-tkeċċijiet kollettivi u dawk tal-immigranti u tal-persuni li jfittxu l-ażil lejn pajjiżi li jiksru d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-protezzjoni ta’ persuni partikolarment vulnerabbli, bħan-nisa u l-minorenni mhux akkumpanjati. |
5.9 |
Biex ikun żgurat li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tgawdi mill-attenzjoni u mill-appoġġ xierqa, il-KESE jipproponi li jgħin lill-Aġenzija billi jkun rappreżentat fi ħdan il-forum konsultattiv dwar id-drittijiet fundamentali. Jirrakkomanda wkoll li l-Aġenzija tkun miftuħa għal valutazzjonijiet indipendenti tal-proċeduri tagħha u tal-operazzjonijiet li tniedi. F’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni interna tagħha, huwa jidhirlu li jkun biżżejjed li jiġi nominat uffiċjal responsabbli mid-drittijiet fundamentali, diment li jkollu struttura ta’ ħidma qawwija, kif ukoll responsabbiltajiet u riżorsi kbar. |
5.10 |
Il-KESE huwa favur il-ħolqien, fil-fehma tiegħu neċessarju, ta’ dokument Ewropew ġdid tal-ivvjaġġar, imfassal għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u użat fl-operazzjonijiet ta’ ritorn li jirrigwardawhom. |
5.11 |
Il-KESE jqis li l-Kodiċi Schengen jista’ jinbidel, diment li jsiru l-isforzi meħtieġa biex il-kontrolli applikati għaċ-ċittadini tal-Unjoni, kemm jekk jappartjenu għaż-żona ta’ Schengen kif ukoll jekk le, ma jfixklux il-mobilità tagħhom, li hija waħda mil-libertajiet essenzjali tagħhom. Ġeneralizzazzjoni ta’ dawn il-kontrolli, magħmulin b’mezzi teknoloġiċi ftit jew wisq avvanzati, tista’ tikkomprometti l-vijabbiltà tas-sistema ta’ Schengen. |
5.12 |
Il-KESE għandu l-intenzjoni li jafferma mill-ġdid il-ħtieġa tal-ftuħ għas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha u fil-kuntest tal-attivitajiet kollha. Huwa jfakkar li r-rwol tas-soċjetà ċivili u taċ-ċittadini kien fundamentali biex jiġi evitat li s-sitwazzjoni tkun aktar gravi mill-aspett umanitarju, kemm fl-ibħra territorjali tal-Istati Membri kif ukoll fit-territorji rispettivi tagħhom. Huwa jemmen li l-għajnuna mogħtija lis-soċjetà ċivili hija prijorità, meta wieħed iqis li din tagħmel sforz biex tgħin f’sitwazzjonijiet estremi anki meta r-riżorsi tagħha huma limitati ħafna. |
Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(2) ĠU C 177, 18.5.2016, p. 57.
(3) ĠU C 108, 30.4.2004, p. 97 (mhux disponibbli bil-Malti).
(4) ĠU C 44, 11.2.2011, p. 162.
(5) http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2015/11/20-jha-conclusions-counter-terrorism/
(6) http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-european-migration-forum-1
(7) ĠU C 451, 16.12.2014, p. 1, ĠU C 458, 19.12.2014, p. 7, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 162.
(8) ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29.
(9) ĠU C 451, 16.12.2014, p. 1.
(10) ĠU C 71, 24.2.2016, p. 82.
(11) http://www.unhcr.fr/cgi-bin/texis/vtx/search?page=search&docid=56efa45ec&query=position sur l'accord
(12) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.
(13) L-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprevedi espressament li “ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew ikun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.
(14) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.
(15) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/116 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008”
[COM(2015) 636 final – 2015/0289 (COD)]
(2016/C 303/16)
Relatur: |
is-Sur Gabriel SARRÓ IPARRAGUIRRE |
Nhar is-17 u t-22 ta’ Diċembru 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008”
[COM(2015) 636 final – 2015/0289 (COD)].
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Mejju 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’146 vot favur, 4 voti kontra u 8 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1 |
Il-KESE jaqbel mal-għanijiet tal-Kummissjoni Ewropea f’din il-proposta u, għalhekk, iqis li hu neċessarju li jiġi rivedut ir-Regolament fis-seħħ sabiex ikun hemm semplifikazzjoni, tiżdied it-trasparenza, tittejjeb il-governanza, jiġi żgurat kontroll effettiv tal-applikazzjoni tar-regoli, tiġi affermata mill-ġdid ir-reċiproċità ma’ pajjiżi terzi u tiġi ppreservata l-kultura antika tal-attività tas-sajd billi tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħha. |
1.2 |
Madankollu, il-Kumitat iqis li l-proposta, kif abbozzata, tista’ toħloq piż burokratiku u amministrattiv eċċessiv għall-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-operaturi li, jekk ma jkollhomx ir-riżorsi tekniċi, materjali u umani neċessarji, iddgħajjef l-eżerċizzju ta’ semplifikazzjoni mixtieq u tikkawża konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi għall-impjegaturi u l-ħaddiema fis-settur tas-sajd. |
1.3 |
Il-KESE jitlob li jiġu allokati riżorsi umani kif ukoll baġitarji suffiċjenti kemm lill-Unità tad-Direttorat Ġenerali għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal dawn il-kwistjonijiet kif ukoll lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom sew. |
1.4 |
Il-Kumitat jemmen li r-responsabbiltà għall-ipproċessar tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd hija tal-Istati Membri, u dan jippermetti lill-Kummissjoni Ewropea li tivverifika l-validità tal-awtorizzazzjoni abbażi tal-kriterji ta’ eliġibbiltà. Din, fir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati, għandha tiżgura għalhekk li l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom. |
1.5 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd tal-UE u lill-Parlament Ewropew biex jikkunsidraw il-kummenti ġenerali u speċifiċi li jinsabu f'din l-opinjoni. |
2. Kuntest
2.1 |
Il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) tkopri l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u l-ġestjoni tas-sajd u l-flotot li jisfruttaw tali riżorsi. Dan jinkludi l-attivitajiet tas-sajd imwettqa fl-ilmijiet tal-Unjoni kif ukoll dawk imwettqa barra l-ilmijiet tal-Unjoni minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni. Il-PKS ġiet emendata permezz tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013. |
2.2 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008, tad-29 ta’ Settembru 2008, jirregola l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd ta’ bastimenti tal-Unjoni li jistadu barra l-ilmijiet tagħha u dawk tal-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi li jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni. |
2.3 |
Il-Kummissjoni tqis li r-regolament fis-seħħ dwar l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandu jiġi rivedut sabiex jiddeskrivi b’mod adegwat l-objettivi tal-PKS il-ġdida u jiżgura l-konsistenza mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008, li jistabbilixxi sistema Komunitarja li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (sajd IUU) kif ukoll mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-PKS. |
2.4 |
Bl-istess mod, il-Kummissjoni tenfasizza l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni bħala parti kontraenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, permezz tal-adeżjoni mal-Ftehim FAO biex tiġi promossa l-osservanza tal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ġestjoni għall-bastimenti tas-sajd li jistadu fl-ibħra miftuħa, u tal-Pjan internazzjonali tal-FAO għall-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni tas-sajd IUU. |
2.5 |
Il-proposta testendi l-kamp ta’ applikazzjoni għal kwistjonijiet bħall-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet diretti meta ma jkunx hemm ftehim ta’ sħubija għal sajd sostenibbli fis-seħħ mal-pajjiż terz ikkonċernat, l-awtorizzazzjoni u n-notifika tal-bastimenti ta’ appoġġ tal-bastimenti tas-sajd, il-kontroll tal-bdil tal-bandiera, l-allokazzjoni mill-ġdid ta’ opportunitajiet tas-sajd mhux użati u l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas legali li jippermetti lill-Unjoni biex ittejjeb il-kontroll tal-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd mikrija fl-Unjoni skont id-dispożizzjonijiet adottati mill-organizzazzjoni reġjonali ta’ ġestjoni tas-sajd kompetenti. |
2.6 |
Barra minn hekk, il-proposta tirregola ħafna kwistjonijiet oħra bħall-iskambju ta’ data f’format elettroniku bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, il-ħolqien ta’ reġistru elettroniku dwar l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd tal-Unjoni, ir-regoli għal bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni, inkluża data dwar il-qabdiet tagħhom konsistenti ma’ dawk applikabbli għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni kif ukoll il-possibbiltà ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ atti delegati u, jekk ikun meħtieġ, atti ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni immedjata. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Il-KESE jaqbel mal-għanijiet segwiti mill-Kummissjoni Ewropea f’din il-proposta, jiġifieri li tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE sabiex tikkontrolla l-flotta tagħha li tistad barra mill-ilmijiet tal-UE, irrispettivament mill-kuntest li fih tkun wettqet l-attività tagħha, waqt li titqies il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn it-titjib tal-kontroll tal-flotta tal-Unjoni u l-limitazzjoni tal-piż tax-xogħol tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u tal-UE. Il-KESE jqis li hu neċessarju li jiġi rivedut ir-Regolament attwalment fis-seħħ sabiex ikun hemm semplifikazzjoni, tiżdied it-trasparenza, tittejjeb il-governanza, jiġi żgurat kontroll effettiv tal-applikazzjoni tar-regoli, tiġi affermata mill-ġdid ir-reċiproċità ma’ pajjiżi terzi u tiġi ppreservata l-kultura antika tal-attività tas-sajd billi tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħha. |
3.2 |
Madankollu, il-Kumitat iqis li l-proposta, kif abbozzata, mingħajr ma tispeċifika l-għodod adegwati biex tiġi ssemplifikata s-sistema, tista’ toħloq piż burokratiku u amministrattiv eċċessiv li, mingħajr ir-riżorsi tekniċi, materjali u umani neċessarji, iddgħajjef l-eżerċizzju ta’ semplifikazzjoni mixtieq. Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita proċedura għall-ħruġ ta’ liċenzji li tkun effettiva u tiżgura l-legalità tagħhom, iżda li min-naħa l-oħra tkun sempliċi u veloċi. Li kieku ma kienx hekk, tkun taffettwa serjament lill-operaturi tal-UE, li jsofru l-konsegwenzi tad-dewmien fl-għoti tal-liċenzji u, għaldaqstant, jintilfu ġranet tas-sajd u jiġu milquta b’mod negattiv mill-perspettiva soċjoekonomika. |
3.3 |
Il-KESE huwa konxju tan-nuqqas ta’ persunal li għandhom kemm l-Unità tad-Direttorat Ġenerali għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal dawn il-kwistjonijiet kif ukoll l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri. Għaldaqstant, jitlob li jiġu allokati riżorsi umani u baġitarji suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom sew. |
3.4 |
Waqt li jerġa’ jikkonferma r-rwol importanti tal-Kummissjoni Ewropea f’dan il-proċess kollu, il-Kumitat jemmen li r-responsabbiltà għall-ipproċessar tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd hija tal-Istati Membri, u dan jippermetti lill-Kummissjoni Ewropea li tivverifika l-validità tal-awtorizzazzjoni abbażi tal-kriterji ta’ eliġibbiltà. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 |
Skont il-KESE, id-definizzjoni tal-“programm ta’ osservatur” tal-Artikolu 3(f) għandha tkopri wkoll, apparti skema taħt l-awspiċi ta’ organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMO), dak tal-Istati Membri u mhux biss sabiex jiġi vverifikat li l-bastiment jikkonforma mar-regoli, iżda wkoll sabiex tinġabar id-data. |
4.2 |
L-Artikolu 5(1)(d) tal-proposta jiddikjara li l-Istat Membru tal-bandiera jista’ jagħti awtorizzazzjoni tas-sajd biss jekk l-operatur u l-bastiment tas-sajd ma kinux soġġetti għal sanzjoni għal ksur serju matul it-tnax-il xahar qabel l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni. Il-KESE jemmen li dan il-kriterju tal-eliġibbiltà għandu jitħassar peress li jista’ jwassal għal sanzjoni doppja sproporzjonata u diskriminatorja. Il-Kumitat huwa tal-fehma li r-Regolament (KE) Nru 1224/2009 (kontroll) u r-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (sajd IUU) diġà jipprevedu l-proċeduri u s-sanzjonijiet marbutin ma’ ksur serju fi ħdan kif ukoll barra l-ilmijiet tal-UE. |
4.3 |
L-Artikolu 7(5 jipprevedi li, fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jiċħad, jissospendi jew jirtira l-awtorizzazzjoni f’każijiet ta’ “raġunijiet prevalenti ta’ politika (…)”. Il-KESE jemmen li dan il-kliem huwa ambigwu wisq u jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet ta’ inċertezza legali għall-operaturi, skont dak li f’kull każ il-Kummissjoni Ewropea tkun qieset bħala “raġunijiet prevalenti ta’ politika”. L-Artikolu għandu jiċċara li r-rifjut, is-sospensjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni għandu jsir, fuq talba tal-Kummissjoni, jekk hija tqis li hemm theddida serja ta’ ksur possibbli. |
4.4 |
L-Artikolu 8 jipprevedi li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jistgħu jwettqu biss attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz jekk dak il-pajjiż ikun parti kontraenti jew parti mhux kontraenti iżda kooperanti ta’ RFMO. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau, pajjiż li miegħu l-UE għandha ftehim sostenibbli ta’ sħubija dwar is-sajd iżda li mhuwiex parti kontraenti u lanqas kooperanti jew kontraenti tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT, akronimu bl-Ingliż). Għalhekk, il-KESE jqis li l-UE m’għandhiex tidħol fi kwistjonijiet li jaffettwaw is-sovranità tal-pajjiżi terzi. Min-naħa l-oħra, rekwiżit bħal dan ipoġġi lill-flotta tal-UE f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ kompetittiv fil-konfront ta’ flotot ta’ pajjiżi terzi li ma jkollhomx raġuni sabiex jissodisfaw dak ir-rekwiżit. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tkompli bl-isforzi tagħha, permezz tal-Ftehim ta’ Sħubija tas-Sajd, sabiex il-Guinea-Bissau tieħu sehem fil-ħidma tal-ICCAT, bil-għan li jkun hemm sfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd. |
4.5 |
Fir-rigward tal-Artikoli 12(3) u 12(4), il-KESE jinsab imħasseb li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tnaqqas il-proċedura għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd. |
4.6 |
Fir-rigward tal-Artikoli 13 u 14 li jikkonċernaw l-allokazzjoni mill-ġdid ta' opportunitajiet tas-sajd mhux użati fil-qafas ta’ ftehimiet ta’ sħubija tas-sajd sostenibbli, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li din l-allokazzjoni mill-ġdid tiġi applikata permezz ta’ konsistenza interna għall-allokazzjoni mill-ġdid ta' opportunitajiet tas-sajd kemm fl-ilmijiet tal-UE kif ukoll fil-ftehimiet bilaterali tas-sajd ma’ pajjiżi terzi bħan-Norveġja. |
4.7 |
L-Artikolu 18(c) jipprevedi li l-Istat tal-bandiera jista’ jagħti biss awtorizzazzjoni tas-sajd jekk l-operatur ikun ipprovda evidenza tas-sostenibbiltà tal-attivitajiet ippjanati tas-sajd abbażi tal-elementi li ġejjin: valutazzjoni xjentifika mogħtija mill-pajjiż terz jew/u minn organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd; u eżami ta’ din il-valutazzjoni mill-Istat Membru tal-bandiera abbażi tal-valutazzjoni tal-istitut xjentifiku nazzjonali tiegħu. Il-Kumitat jaħseb li dan l-aħħar eżami min-naħa tal-Istat Membru tal-bandiera għandu jitneħħa. |
4.8 |
L-Artikolu 19(2) jipprevedi li l-Kummissjoni għandu jkollha ħmistax-il jum sabiex tirrevedi d-dokumentazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u, f’każ ta’ problema b’xi bastiment (bastiment jew tagħmir), xahrejn sabiex topponi l-għoti tal-awtorizzazzjoni. L-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu tista’ twassal għal dewmien konsiderevoli fl-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd diretti. |
4.9 |
L-Artikolu 27 jipprevedi li l-Istat Membru tal-bandiera għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-awtorizzazzjoni tas-sajd, mill-inqas ħmistax-il jum qabel ma jibdew l-attivitajiet tas-sajd fl-ibħra miftuħa. B’mod konformi ma’ dak li ntqal hawn fuq, il-KESE jemmen li l-perjodu ta’ ħmistax-il jum għandu jitneħħa, u jiġi ddikjarat, sempliċement, li għandha ssir komunikazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea “qabel” il-bidu tal-attivitajiet. |
4.10 |
Il-KESE jqis li huwa ferm rakkomandabbli li kull skambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif ukoll ma’ pajjiżi terzi, isir b’mod elettroniku. Barra minn hekk, huwa jqis li jeħtieġ li jiġi stabbilit reġistru elettroniku ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd. |
Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
ANNESS
Dan il-punt tal-opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata ġie mmodifikat biex jirrifletti l-emendi adottati mill-Assemblea, iżda rċieva aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):
Punt 4.2
L-Artikolu 5(1)(d) tal-proposta jiddikjara li l-Istat Membru tal-bandiera jista’ jagħti awtorizzazzjoni tas-sajd biss jekk l-operatur u l-bastiment tas-sajd ma kinux soġġetti għal sanzjoni għal ksur serju matul it-tnax-il xahar qabel l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni. Il-KESE jemmen li huwa neċessarju li l-operatur li jwettaq ksur serju jiġi ssanzjonat b’mod xieraq; ir-rifjut li tingħata awtorizzazzjoni tas-sajd mhuwiex sanzjoni doppja iżda l-applikazzjoni ta’ kriterju tal-eliġibbiltà. Bl-istess mod, il-Kumitat jemmen li, jekk ikun applikabbli, din il-miżura għandha tiġi applikata biss fil-każ ta’ sentenzi finali.
Raġuni
Dan jista’ jwassal għal sanzjoni doppja li tkun sproporzjonata, peress li l-operatur u l-kaptan tal-bastiment ikunu soġġetti mhux biss għas-sanzjonijiet previsti fl-Artikoli 90 sa 92 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, u fl-Artikoli 42 sa 47 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, iżda wkoll in-noneliġibbiltà biex tinkiseb awtorizzazzjoni.
Dawn l-Artikoli diġà jipprevedu sanzjonijiet sostanzjali għall-operaturi li jikkommettu ksur serju li jvarja mis-sanzjoni finanzjarja (mill-inqas ħames darbiet il-valur tal-prodotti tas-sajd miksuba meta jsir il-ksur serju) sas-sanzjonijiet addizzjonali li ġejjin:
1) |
is-sekwestru tal-bastiment tas-sajd involut fil-ksur; |
2) |
l-immobilizzazzjoni temporanja tal-bastiment tas-sajd; |
3) |
il-konfiska tat-tagħmir tas-sajd, il-qabdiet ta’ ħut u l-prodotti tas-sajd ipprojbiti; |
4) |
is-sospensjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tas-sajd; |
5) |
it-tnaqqis fid-drittijiet tas-sajd jew l-irtirar tagħhom; |
6) |
l-esklużjoni temporanja jew permanenti mid-dritt għall-ksib ta’ drittijiet tas-sajd ġodda; |
7) |
it-twaqqif temporanju jew permanenti tal-aċċess għal assistenza pubblika jew sussidji pubbliċi; |
8) |
is-sospensjoni jew l-irtirar tal-istatus ta’ operatur ekonomiku approvat mogħti b’konformità mal-Artikolu 16(3). |
L-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jipprevedi wkoll sistema ta’ punti għal ksur serju. Meta n-numru totali ta’ punti jkun ekwivalenti għal jew jaqbeż numru speċifikat ta’ punti, il-liċenzja tas-sajd għandha tiġi sospiża awtomatikament għal perjodu ta’ mill-inqas xahrejn. Dak il-perjodu għandu jkun ta’ erba’ xhur jekk il-liċenzja tas-sajd tiġi sospiża għat-tieni darba, tmien xhur jekk il-liċenzja tas-sajd tiġi sospiża għat-tielet darba u ta’ sena jekk il-liċenzja tas-sajd tiġi sospiża għar-raba’ darba minħabba li d-detentur tal-liċenzja jkun ġie assenjat in-numru speċifikat ta’ punti. F’każ li d-detentur jiġi assenjat in-numru speċifikat ta’ punti għall-ħames darba, il-liċenzja tas-sajd għandha tiġi rtirata b’mod permanenti.
Min-naħa l-oħra, aħna naħsbu li dan jikser il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, peress li għall-istess każijiet ta’ ksur ma japplikawx l-istess sanzjonijiet fi ħdan u barra l-ilmijiet tal-UE. Għall-istess ksur, dawk li jistadu barra l-UE jkollhom sanzjoni addizzjonali bħan-noneliġibbiltà li jiksbu awtorizzazzjoni tas-sajd għal 12-il xahar. Dan joħloq standard doppju għal ksur simili.
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur |
92 |
Kontra |
50 |
Astensjonijiet |
23 |
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/122 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-merkurju, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1102/2008”
(COM(2016) 39 final — 2016/023 (COD))
(2016/C 303/17)
Relatur: |
is-Sur Vladimír NOVOTNÝ |
Nhar l-4 ta’ Frar 2016 u nhar it-18 ta’ Frar 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 192(1), 207 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-merkurju, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1102/2008”
(COM(2016) 39 final — 2016/023 (COD)).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Mejju 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’153 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat jirrakkomanda bla ebda riżervi l-adozzjoni tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-merkurju, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1102/2008 bħala l-ewwel pass lejn ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Minamata mill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi u mill-Istati Membri tagħha. |
1.2 |
Il-problema dinjija tal-emissjonijiet tal-merkurju teħtieġ approċċ globali, kif toffri l-Konvenzjoni ta’ Minamata. L-UE ilha, flimkien mal-Ġappun, l-attur ewlieni fit-tnaqqis tal-piż tal-merkurju fuq l-ambjent (u fuq il-popolazzjoni), iżda rridu nirrealizzaw li l-merkurju u l-komposti tiegħu ser jibqgħu element fl-ambjent għal dejjem. |
1.3 |
Il-Kumitat jinnota li l-azzjoni sostnuta tal-UE dwar il-merkurju fuq livell globali u, b’mod partikulari, fil-limiti tagħha stess ġabet ’l-Unjoni tnaqqis ta’ 75 % fl-emissjonijiet ta’ merkurju kkawżati mill-bniedem sa mill-1990 u l-leġislazzjoni fis-seħħ tiggarantixxi aktar tnaqqis progressiv. |
1.4 |
Il-Kumitat jirrakkomanda aktar azzjoni tal-UE bi qbil mal-Konvenzjoni ta’ Minamata rratifikata ladarba tkun daħlet fis-seħħ. Il-Kumitat huwa konvint li l-qafas leġislattiv li jirregola primarjament l-emissjonijiet — iżda wkoll il-proċessi ta’ manifattura u prodotti — huwa biżżejjed biex jissodisfa l-impenji tal-Konvenzjoni mingħajr ma jfixkel il-kompetittività tal-UE kollha kemm hi. |
1.5 |
Huwa essenzjali, fil-fehma tal-Kumitat, li porzjon proporzjonat tal-kapaċità xjentifika u tar-riċerka tal-UE għandu jiġi ddedikat għall-kwistjoni tal-merkurju u l-alternattivi tiegħu fil-proċessi ta’ manifattura u l-prodotti. |
1.6 |
Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li, wara r-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Minamata, il-korpi rilevanti tal-UE, flimkien mal-Istati Membri firmatarji tal-Konvenzjoni, jieħdu sehem fl-ewwel konferenza tal-partijiet tal-konvenzjoni dwar il-merkurju (COP 1) — li bħalissa qed tiġi organizzata — u jikkontribwixxu għal għarfien sabiex ikun possibbli aktar tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ merkurju kkawżati mill-bniedem u l-użu tiegħu fil-prodotti u l-manifattura. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Il-merkurju huwa komponent naturali tad-dinja, b’abbondanza medja ta’ madwar 0,05 mg/kg ġol-qoxra tad-dinja, b’varjanti lokali sinifikanti. Huwa wkoll preżenti f’livelli baxxi ħafna fil-bijosfera kollha. L-assorbiment tal-merkurju mill-pjanti jispjega l-preżenza tiegħu fil-karburanti bħall-faħam, iż-żejt u l-gass naturali — iżda wkoll fil-bijokarburanti. F’termini ta’ emissjonijiet tal-merkurju, il-kombustjoni tal-bijomassa hija prattikament l-istess bħal dak li jiġi kkawżat bil-ħruq tal-faħam. Il-merkurju u l-emissjonijiet tiegħu huma indirizzati fid-dettall f’dokumenti tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) (1). |
2.2 |
Ladarba jkun rilaxxat il-merkurju jippersisti fl-ambjent, fejn jiċċirkola bejn l-arja, l-ilma, is-sedimenti, il-ħamrija u l-bijota f’diversi forom. Il-forma tiegħu tista’ tinbidel (primarjament bil-metaboliżmu mikrobijali) għal metilmerkurju, li għandu l-kapaċità li jinġabar f’organiżmi u partikularment fil-katina tal-ikel akwatika (ħut u mammali tal-baħar). Il-bijoakkumulazzjoni tal-merkurju u ta’ metalli tqal oħra u l-potenzjal tagħhom li jiġu trasportati fl-atmosfera fuq distanza kbira hija r-raġuni għaliex dawn huma meqjusa bħala theddida ambjentali globali. |
2.3 |
F’xi partijiet tad-dinja, speċjalment barra mill-UE, għadd konsiderevoli ta’ nies huma esposti għall-merkurju li huwa ’l fuq mil-livelli aċċettabbli għas-saħħa. L-aħjar stimi jindikaw li l-emissjonijiet tal-merkurju fl-atmosfera minn attivitajiet tal-bniedem jammontaw għal 1 960 tunnellata fis-sena madwar id-dinja u 87,5 tunnellata fis-sena (4,5 % tat-total) għall-UE. L-emissjonijiet diretti fl-ilma jammontaw għal 900 tunnellata fis-sena u l-emissjonijiet naturali (l-erożjoni tal-ġebel u l-attività vulkanika) jilħqu madwar l-istess ammont. Ħarsa ġenerali lejn l-emissjonijiet tal-merkurju antropoġeniċi jinsabu fl-Appendiċi 1. |
2.4 |
Minkejja nuqqas fil-konsum globali tal-merkurju (id-domanda globali hija inqas minn nofs il-livelli tal-1980), u prezzijiet baxxi, il-produzzjoni mill-minjieri għadha sseħħ f’numru ta’ pajjiżi madwar id-dinja. L-akbar produtturi huma ċ-Ċina u l-Każakstan. Fl-Ewropa, il-produzzjoni primarja waqfet sa mill-2003, iżda l-merkurju jiġi iżolat bħala prodott sekondarju ta’ proċessi oħra estrattivi u t-trattament tal-materja prima. Dan il-merkurju huwa kklassifikat bħala skart u huwa trattat f’konformità mal-leġislazzjoni dwar l-iskart. |
2.5 |
Kwantitajiet kbar tal-merkurju qegħdin jidħlu wkoll fis-suq dinji — b’riżultat tal-konverżjoni jew l-għeluq tal-faċilitajiet ta’ chlor-alkali — minn pajjiżi fejn, għal kuntrarju tal-UE, il-kummerċ f’dan il-merkurju ma ġiex ipprojbit. |
2.6 |
L-emissjonijiet mill-kombustjoni tal-faħam u l-proċessi ta’ inċinerazzjoni, inklużi għall-azzar u l-manifattura ta’ metalli mhux tal-ħadid, huma l-akbar sors ta’ emissjonijiet antropoġeniċi u speċjalment ta’ immissjonijiet tal-komposti tal-merkurju fil-viċinanza ta’ sorsi speċifiċi ta’ emissjonijiet fl-UE. Eżami tal-għażliet varji tkopri kemm il-qbid tal-merkurju flimkien ma’ elementi oħra fil-proċess ta’ tindif tal-emissjonijiet mill-gass kif ukoll proċessi ta’ qbid speċifikament għall-merkurju meta dawn il-proċessi selettivi jagħmlu sens. |
2.7 |
Sors ewlieni ieħor ta’ emissjonijiet magħmula mill-bniedem, prinċipalment ta’ merkurju elementali, jirriżulta mill-użu ta’ mili amalgama tas-snien. Jidher li l-emissjonijiet (primarjament fl-ilma) huma ferm aktar faċli li jiġi ssorveljati f’dan il-qasam u li t-teknoloġiji disponibbli għal dan huma użati b’mod wiesa’ fid-dinja żviluppata. |
2.8 |
Il-Kumitat diġà esprima l-pożizzjoni tas-soċjetà ċivili dwar l-emissjonijiet li jagħmlu ħsara tal-merkurju u l-komposti tiegħu f’opinjonijiet preċedenti, u din l-opinjoni hija kontinwazzjoni naturali tagħhom (2). |
3. Kontenut tad-dokument tal-Kummissjoni
3.1 |
L-Unjoni u sitta u għoxrin Stat Membru ffirmaw konvenzjoni internazzjonali ġdida dwar il-merkurju. Din, il-Konvenzjoni ta’ Minamata, tindirizza mad-dinja kollha ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-merkurju, mill-estrazzjoni tal-merkurju primarju għall-ġestjoni tal-iskart tagħha. L-għan tagħha huwa li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minn emissjonijiet tal-merkurju kkawżati mill-bniedem kif ukoll il-komposti tiegħu fl-arja, l-ilma u l-art. L-Unjoni u l-maġġoranza tal-Istati Membri ffirmaw din il-konvenzjoni internazzjonali ġdida dwar il-merkurju, li diġà għandha 128 firma u ġiet ratifikata minn 25 pajjiż parteċipant (3). |
3.2 |
Evalwazzjoni dettaljata tal-acquis tal-Unjoni identifikat għadd limitat ta’ diskrepanzi regolatorji li jridu jitneħħew sabiex jiġi żgurat l-allinjament sħiħ tal-leġislazzjoni tal-Unjoni mal-konvenzjoni (4). Din il-proposta għandha l-għan li tindirizza dawk id-diskrepanzi, li jikkonċernaw il-kwistjonijiet li ġejjin: —
|
3.3 |
Fl-interess taċ-ċarezza legali, l-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjoni li għadhom mhumiex trasposti fil-liġi tal-UE għandhom jiġu inkorporati f’att legali wieħed. |
3.4 |
Iċ-ċarezza u l-koerenza legali għandhom jissaħħu u din il-proposta għandha, għal dan il-għan, tħassar u tieħu post ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008, filwaqt li tassumi tali obbligi essenzjali li għadhom meħtieġa. |
3.5 |
L-għanijiet ta’ din l-inizjattiva huma konsistenti wkoll ma’ dawk tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli. Din il-proposta se tgħin biex ikun hemm opportunitajiet indaqs madwar id-dinja għal proċessi industrijali li jużaw il-merkurju jew joħolqu mhux intenzjonalment emissjonijiet tal-merkurju u komposti tal-merkurju u l-manifattura u l-kummerċ ta’ prodotti li fihom il-merkurju, u b’hekk tippromovi l-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni. |
3.6 |
Barra minn dan, il-proposta tissimplifika u tiċċara l-acquis kemm jista’ jkun ħalli tkun tista’ tiġi implimentata aħjar u b’mod aktar effettiv. |
3.7 |
Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Minamata sejrin iwasslu biex l-UE tikseb benefiċċji sinifikanti għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, l-iktar minħabba t-tnaqqis li huwa mistenni jseħħ fl-emissjonijiet tal-merkurju li joriġinaw minn bnadi oħra tad-dinja. |
4. Kummenti ġenerali
4.1 |
Il-Kumitat jappoġġa l-adozzjoni ta’ din il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, peress li dan jirrappreżenta l-qofol ta’ sforzi fuq medda twila ta’ żmien biex jinħoloq ambjent legali responsabbli li jippermetti r-restrizzjoni sostenibbli u fit-tul mad-dinja kollha tal-effetti negattivi minħabba l-merkurju u l-komposti tiegħu. Il-Kumitat jinnota li l-proposta għal Regolament hija konformi b’mod sħiħ mal-għan prinċipali tal-protezzjoni tas-saħħa u l-ambjent mill-effetti ta’ħsara tal-merkurju. |
4.2 |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontribut li mhux biss l-istituzzjonijiet tal-UE, iżda wkoll l-Istati Membri varji, għamlu fit-tfassil, in-negozjati u r-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Minamata. |
4.3 |
Huwa kuntent ħafna wkoll li l-proċess kollu rrispetta — kemm issa kif ukoll qabel — il-prinċipji kruċjali ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, mingħajr ma dan jippreġudika l-effettività tal-istrumenti legali adottati fil-livell pan-Ewropew u madwar id-dinja. |
4.4 |
Il-Kumitat huwa konvint li l-isforzi tal-Ewropa se jgħinu sabiex tiġi żgurata r-ratifika rapida tal-Konvenzjoni ta’ Minamata sa tmiem l-2016 u t-trażżin xieraq tar-riskji ambjentali u għas-saħħa li jiġu minn emissjonijiet antropoġeniċi tal-merkurju u l-użu tiegħu madwar id-dinja. Il-Kumitat jafferma wkoll il-konvinzjoni tiegħu li r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill m’għandux imur — u mhuwiex se jmur — lil hinn mill-ambitu ta’ dak li tesiġi l-Konvenzjoni ta’ Minamata. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1 |
Il-KESE huwa kuntent ukoll li r-Regolament jirrifletti r-riżultati ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati fl-UE u diskussjonijiet dwar il-Konvenzjoni ta’ Minamata li saru f’fora ta’ esperti taħt l-awspiċi tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP). Il-Kumitat jifraħ lill-Kummissjoni għat-tlestija b’suċċess tal-kompitu impenjattiv u estensiv ħafna ta’ analiżi li rriżultat fil-proposta għal Regolament. |
5.2 |
Il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li kull restrizzjoni għall-kummerċ li kienet se tmur lil hinn mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni — fi kliem ieħor, li tagħti bidu għal projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ merkurju mingħajr kundizzjonijiet — ma kinitx ġustifikata, billi kienet tiswa lill-industrija tal-Unjoni aktar mingħajr xi benefiċċji ambjentali notevoli. |
5.3 |
Il-Kumitat jaqbel ukoll mal-fehma espressa mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal Regolament li restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ċertu prodotti li fihom il-merkurju wkoll ma jkunux ġustifikati, minħabba li d-dħul u r-rilaxx tal-merkurju fl-ambjent jibqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess u l-projbizzjoni bħal din tista’ fil-fatt iżżid l-emissjonijiet tal-merkurju f’pajjiżi terzi. |
5.4 |
Il-Kumitat (skont il-konklużjonijiet tal-konsultazzjonijiet u r-riżultati ta’ studji) japprova bla riżervi l-argument li restrizzjonijiet fuq l-użu tal-merkurju f’ċerti proċessi ta’ manifattura u proċessi ġodda ta’ manifattura għandhom ikunu proporzjonati mar-riskji involuti u jiġu implimentati bħala riżultat tal-progress teknoloġiku fuq perjodu itwal ta’ żmien. |
5.5 |
Madankollu l-Kumitat japprova d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Minamata li jistipulaw li l-partijiet iridu jieħdu miżuri li jiskoraġġixxu l-iżvilupp ta’ proċessi tal-manifattura ġodda li jużaw il-merkurju u l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ġodda miżjudin bil-merkurju. |
5.6 |
Il-Kumitat jinnota li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/80/KE dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni rriżultat f’limitazzjoni sinifikanti tal-emissjonijiet tal-merkurju mis-settur tal-enerġija — is-settur jikkontribwixxi l-aktar għal emissjonijiet antropoġeniċi u l-immissjonijiet tal-merkurju fil-ħamrija u fl-ilma b’riżultat tad-depożizzjoni atmosferika — u li din ix-xejra qed tkompli. Mill-1990, l-emissjonijiet tal-merkurju mill-attività tal-bniedem naqsu fl-UE b’aktar minn 75 % (5) u l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali se tikkontribwixxi ħafna biex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet tal-merkurju. Filwaqt li japprova l-fehma tal-Kummissjoni, il-KESE jemmen li m’hemm l-ebda bżonn għalissa li jinbidlu jew miżjuda r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali fir-rigward b’mod speċifiku tal-emissjonijiet tal-merkurju. |
5.7 |
Il-KESE japprova l-approċċ propost biex jiġu limitati l-emissjonijiet tal-merkurju minn proċessi industrijali msejjes fuq il-kunċett tal-aħjar tekniki disponibbli (BAT) u d-dokumenti ta’ referenza (BREF) tagħhom. |
5.8 |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri leġislattivi dwar il-ħżin permanenti u sikur tal-merkurju rtirat minn proċessi industrijali fi strutturi ġeoloġiċi adegwati — f’minjieri tal-melħ li m’għadhomx jintużaw, pereżempju. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi b’urġenza kriterji li għandhom japplikaw għall-faċilitajiet tal-ħżin u rekwiżiti għall-ħżin ta’ skart ikkontaminat bil-merkurju. |
5.9 |
Il-Kumitat japprezza l-approċċ ibbilanċjat meħud mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu ta’ amalgama fid-dentistrija abbażi tal-aħħar għarfien xjentifiku disponibbli. Huwa jqis li r-rekwiżiti dwar tagħmir fi stabbilimenti ta’ kura dentali — jiġifieri l-obbligu li jiġu installati separaturi tal-merkurju u r-restrizzjoni fuq l-użu tal-amalgama dentali fil-forma inkapsulata tagħha — huma biżżejjed biex jiġi limitat b’mod effettiv ir-rilaxx tal-merkurju fl-ambjent u sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem (6). Fl-istess ħin, il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar ir-riskji possibbli — u li għadhom mhux mifhuma b’mod inadegwat u lanqas speċifikati għal kollox — tal-materjali dentali ġodda li għandhom jissostitwixxu l-użu tal-amalgama. |
5.10 |
Fl-istess waqt, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ispejjeż dejjem jiżdiedu tas-servizzi rimborżati mill-baġits tal-kura tas-saħħa pubblika u għall-effetti li jista’ jkun hemm fuq is-saħħa u soċjali fuq ċerti kategoriji ta’ pazjenti li kieku dawn l-ispejjeż kellhom jiġu mgħoddija lilhom. |
Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) UNEP, (2013). Global Mercury Assessment 2013: Sources, Emissions, Releases and Environmental Transport. UNEP Chemicals Branch, Geneva, Switzerland.
(2) ĠU C 318, 23.12.2006, p. 115.
(3) http://mercuryconvention.org/Convention/tabid/3426/Default.aspx
(4) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, il-Valutazzjoni tal-Impatt Li Takkumpanja d-dokumenti Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-merkurju, u li tirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1102/2008 u Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, SWD [2016] 17 final.
(5) Sors: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (AEA), Xejriet fl-emissjonijiet ta’ metalli tqal http://www.eea.europa.eu/data-and-maps/daviz/emission-trends-of-heavy-metals-3#tab-chart_3
(6) Scientific Committee on Health and Environmental Risks (SCHER): Opinion on the environmental risks and indirect health effects of mercury from dental amalgam (aġġornament 2014).
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/127 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 470-790 MHz fl-Unjoni”
(COM(2016) 43 final — 2016/0027 (COD))
(2016/C 303/18)
Relatur: |
is-Sur Raymond HENCKS |
Nhar is-16 ta’ Frar 2016 u …, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 470-790 MHz fl-Unjoni”
(COM(2016) 43 final – 2016/0027 (COD)).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Mejju 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tas-26 ta’ Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’167 vot favur u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ rilaxx koordinat, b’għażla ta’ perjodu ta’ żmien speċifiku, ta’ kapaċitajiet ġodda disponibbli fuq il-banda ta’ frekwenzi 694-790 MHz (magħrufa bħala “700 MHz”), li minnhom ikunu jistgħu jibbenefikaw l-operaturi tat-telefonija mobbli sabiex joffru servizzi ta’ broadband mingħajr fili permezz ta’ tekonoloġija tar-raba’ ġenerazzjoni avvanzata u tal-ħames ġenerazzjoni futura, filwaqt li jitnaqqas id-distakk diġitali ġeografiku b’kopertura aħjar taż-żoni u b’veloċità tat-trażmissjoni ikbar. |
1.2 |
Huwa madankollu jibża’ li l-prezzijiet tat-teknoloġija l-ġdida użata fuq il-frekwenza 700 MHz, kif ukoll il-prezz tal-bejgħ bl-irkant tal-kapaċitajiet ġodda, ifissru spejjeż ogħla inaffordabbli għal parti dejjem akbar tal-popolazzjoni, kif ukoll għal ċerti intrapriżi żgħar, sal-punt li numru kbir ta’ persuni vulnerabbli ma jkollhomx il-mezzi finanzjarji biex jipparteċipaw fid-dinamika diġitali ġdida. Il-KESE jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex jimplimentaw skema ta’ għajnuna, abbażi tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, sabiex tiġi evitata kull żieda ġdida tad-distakk diġitali. |
1.3 |
Il-karatteristiċi fiżiċi tal-propagazzjoni bir-radju tal-banda 700 MHz probbabilment ser iniedu mill-ġdid id-diskussjoni dwar l-effetti potenzjali tal-esponiment għall-kamp elettromanjetiku fuq is-saħħa. Il-KESE jerġa’ jistieden (1) lill-Kummissjoni biex tkompli tħabrek f’dan il-qasam, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tal-prekawzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li għadha tinħtieġ iżjed riċerka. |
1.4 |
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri, biex meta jagħtu d-drittijiet tal-użu tal-banda 700 MHz lis-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili, jaċċertaw li n-netwerks differenti tat-trasport kollettiv jibbenefikaw mill-mezzi differenti li jiżguraw kopertura tajba. |
1.5 |
Fl-aħħar nett, peress li ċerti Stati Membri diġà attribwew il-kapaċitajiet ġodda ta’ frekwenza permezz ta’ bejgħ bl-irkant, u diġà bdew il-proċedura nazzjonali għall-użu ta' dawn il-kapaċitajiet, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa l-iżvolġiment tas-sitwazzjoni u jitlobha tintervjeni, fil-qafas tal-kompetenza tagħha f’dan il-qasam, meta jkun hemm l-iċken riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq uniku. |
2. Introduzzjoni/kuntest
2.1 |
Wara l-abbandun tat-televiżjoni analogu u t-tranżizzjoni għat-televiżjoni diġitali terrestri, li t-teknoloġiji tagħhom jokkupaw spettru tar-radju ħafna inqas wiesa’ mit-teknoloġiji analoġiċi, sar iffrankar sinifikanti fil-livell tal-wisa’ tal-banda (madwar 18 % tar-riżorsi totali) wara r-rilaxx preċedenti fuq il-banda 800 MHz tad-dividend diġitali għall-komunikazzjoni mobbli. |
2.2 |
L-ispettru użat attwalment għat-televiżjoni terrestri jinsab fil-frekwenzi baxxi tal-banda msejħa UHF (470 sa 862 MHz), li għandhom karatteristiċi fiżiċi ta’ propagazzjoni tar-radju aktar robusti (inqas attenwazzjoni minn dawk ta’ frekwenzi aktar għoljin). |
2.3 |
Dawn il-frekwenzi jiddistingwu ruħhom permezz ta’ diffużjoni tas-sinjal f’distanza akbar u b’saħħa akbar ta’ penetrazzjoni u b’mod partikolari huma adattati għall-kopertura taż-żoni rurali u għad-diffużjoni fil-bini. Ir-rilaxx ta’ frekwenzi baxxi, utli ħafna għall-broadband mobbli bidirezzjonali, huwa wkoll ta’ benefiċċju mil-lat tal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni tan-netwerks (minħabba li huma jeħtieġu numru inqas ta’ emittenti u stazzjonijiet tat-trażmissjoni) u mil-lat tal-finanzi pubbliċi, minħabba l-bejgħ tad-drittijiet ta’ użu ta’ dawn il-frekwenzi lill-operaturi, abbażi ta’ regoli preċiżi stabbilti mill-awtoritajiet regolatorji tat-telekomunikazzjoni. Huwa għalhekk li xi drabi dawn il-frekwenzi huma kkwalifikati bħala “frekwenzi tad-deheb”. L-operaturi tal-komunikazzjonijiet mobbli u dawk awdjoviżivi jikkompetu ma’ xulxin fl-allokazzjoni tal-imsemmija frekwenzi mill-awtoritajiet pubbliċi. |
2.4 |
Attwalment, il-banda ta’ 470-790 MHz isservi għad-diffużjoni ta’ servizzi tal-midja adwjoviżiva, inkluż it-televiżjoni diġitali terrestri, u għall-implimentazzjoni ta’ programmi u avvenimenti speċjali (“it-tagħmir PMSE”, pereżempju l-mikrofoni bla wajer u l-earphones, użati fl-ispettakli u għat-trażmissjoni ta’ ordnijiet mir-reġija fl-istudjows televiżivi). Il-frekwenzi użati bħalissa għall-aħħar ġenerazzjoni tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni mobbli huma l-baned ta’ 800 MHz, 900 MHz, 1 800 MHz u 2 600 MHz. |
2.5 |
Fil-konferenza dinjija dwar ir-radjukomunikazzjoni tal-2012 ġie deċiż li parti kbira mill-frekwenzi rilaxxati fil-banda 470-790 MHz (magħrufa bħala 700 MHz) tiġi allokata fl-Ewropa u fl-Afrika lis-servizzi mobbli bil-broadband. |
2.6 |
Din l-allokazzjoni lis-servizzi mobbli bil-banda ta’ 700 MHz, li toffri kapaċitajiet addizzjonali bil-broadband, twieġeb b’mod sħiħ għall-għan tal-programm pluriennali fir-rigward tal-politika tal-ispettru tar-radju (RSPP) tal-UE, skont liema l-individwi għandu jkollhom broadband ta’ mill-inqas 30 Mb/s sal-2020. |
2.7 |
Skont l-estimi tal-Kummissjoni, l-allokazzjoni l-ġdida tal-frekwenzi toħloq spejjeż sostanzjali għall-operaturi, li jinqalgħu mit-trażmissjoni tal-istandards ta’ diffużjoni tat-televiżjoni diġitali ta’ MPEG-2 għal MPEG-4 (EUR 600 miljun sa EUR 890 miljun) u/jew għal HEVC (EUR 450 miljun sa EUR 660 miljun) u għall-konsumaturi ta’ EUR 40 sa 100 addizzjonali għal kull unità domestika għall-akkwist ta’ dekowders jew adapters ġodda. |
3. Il-kontenut tal-Proposta għal Deċiżjoni
3.1 |
Il-proposta inkwistjoni għandha l-ħsieb li tieħu vantaġġ mir-rilaxx tal-kapaċitajiet fuq il-frekwenza ta’ 700 MHz biex tarmonizza kważi b’mod sħiħ din il-banda fil-livell globali, b’mod partikolari permezz tal-ħatra u l-awtorizzazzjoni kkoordinati tal-imsemmija frekwenza fil-livell tal-UE. Biex dan isir, dan ifisser:
|
3.2 |
Fir-rigward tal-baned ta’ frekwenza inqas minn 700 MHz, dan ifisser:
|
4. Kummenti ġenerali
4.1 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet rilaxxati fuq il-banda 700 MHz għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni broadband mingħajr fili, filwaqt li jinżammu l-kapaċitajiet sostanzjali għall-benefiċċju tat-televiżjoni diġitali terrestri. |
4.2 |
Huwa japprova wkoll il-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ rilaxx koordinat, b’għażla ta’ perjodu ta’ żmien speċifiku, ħalli b’hekk tiġi evitata implimentazzjoni “diżorganizzata” fid-dawl tal-esperjenza negattiva rreġistrata matul l-użu ta’ frekwenzi rilaxxati tal-banda 800 MHz wara l-2008, fl-assenza ta’ skeda għall-implimentazzjoni. Fl-istess ħin, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri biex il-ftehimiet transkonfinali dwar il-frekwenza mal-pajjiżi ġirien mhux imsieħba fl-UE jiġu konklużi fi żmien propizju sabiex tiġi faċilitata d-disponibbiltà tal-banda 700 MHz għall-broadband mingħajr fili fi ħdan is-suq uniku. |
4.3 |
Għall-operaturi tal-komunikazzjonijiet mobbli, l-allokazzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ frekwenza fil-baned ta’ 700 MHz tippermettilhom jibqgħu fuq quddiem għal perjodu medju ta’ żmien fis-suq tat-telefonija mobbli, li tibbaża fuq Sistema GSM tar-raba’ ġenerazzjoni fil-fond, imbagħad li tiftaħ għall-ħames ġenerazzjoni, attwalment fil-fażi tal-ittestjar, li tista’ tilħaq veloċità ta’ 10 sa 50 Gb/s. Għall-konsumaturi, it-teknoloġija 5G tagħti livelli ogħla ta’ veloċità u broadband li jippermettu l-iżvilupp tal-internet tal-oġġetti, il-vidjo onlajn, l-applikazzjonijiet fil-qasam tas-servizzi elettroniċi tas-saħħa, l-ologrammi, eċċ. |
4.4 |
Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li l-konnettività futura permezz tal-banda 700 MHz hija partikolarment adatta sabiex tiżgura kopertura aħjar taż-żoni rurali, li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-distakk diġitali ġeografiku. |
4.5 |
Għall-kuntrarju, l-allokazzjoni ġdida ta' frekwenzi ser tikkawża spiża għall-konsumaturi li żgur ser tkun ogħla mill-previżjoni tal-Kummissjoni (ara punt 2.7 hawn fuq) minħabba l-fatt li mhux biss l-ispejjeż għall-operaturi, li jirriżultaw mit-tibdil fl-istandards ta’ kodifikazzjoni tat-televiżjoni diġitali, iżda wkoll il-prezz tax-xiri ta’ kapaċitajiet ġodda fuq il-banda ta’ 700 MHz mill-operaturi tat-telefonija mobbli, ser jaqgħu fuq il-konsumaturi li, barra d-dekowders/adapters ġodda tat-televiżjoni, ikollhom jakkwistaw smartphones ġodda matul l-implimentazzjoni tas-servizzi mobbli tal-ħames ġenerazzjoni. |
4.6 |
Għalhekk, hemm il-periklu li l-prezzijiet li jirriżultaw direttament jew indirettament mill-allokazzjoni mill-ġdid tal-frekwenza 700 MHz ma jkunux affordabbli għal parti dejjem akbar mill-popolazzjoni, kif ukoll għal ċerti intrapriżi żgħar li, barra minn hekk, spiss iħallsu aktar għall-aċċess diġitali mill-utenti “integrati” peress li huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-offerta magħmulin għall-benefiċċju tal-utenti l-kbar. Għaldaqstant, numru kbir ta’ persuni vulnerabbli ma jkollhomx l-awtonomija biex jiżguraw li d-drittijiet tagħhom jiġu rispettati, li minn daqqiet ikunu aċċessibbli biss bid-diġitali, bħal ċerti prestazzjonijiet jew allokazzjonijiet għall-persuni mdaħħlin fl-età jew iż-żgħażagħ li jkunu qed ifittxu impjieg. Sabiex jiġġieled kontra kull żieda ġdida tad-distakk diġitali, u sabiex jiżgura konnettività diġitali universali, il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw skema ta’ kumpens, b’konformità mar-regoli tal-UE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, favur il-konsumaturi vulnerabbli sabiex kulħadd jibbenifika mid-dinamika diġitali l-ġdida. |
4.7 |
Il-karatteristiċi fiżiċi tal-propagazzjoni bir-radju tal-banda 700 MHz probbabilment ser iniedu mill-ġdid id-diskussjoni dwar l-effetti potenzjali tal-esponiment għall-kamp elettromanjetiku fuq is-saħħa. Il-KESE jerġa’ jistieden (2) lill-Kummissjoni biex tkompli tħabrek f’dan il-qasam, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tal-prekawzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li għadha tinħtieġ iżjed riċerka. |
4.8 |
Il-Proposta għal Deċiżjoni tesiġi wkoll li l-Istati Membri “jikkunsidraw li jieħdu miżuri fil-livell nazzjonali biex jiġi żgurat livell ta’ kwalità għolja ta’ kopertura tal-popolazzjoni tagħhom u tat-territorju meta huma jagħtu d-drittijiet tal-użu tal-banda ta’ 700 MHz għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili.” Il-KESE jqis li, f’dan il-kuntest, l-operaturi għandu ikollhom il-mezzi meħtieġa biex jiżguraw kopertura tajba tal-broadband mobbli, mhux biss fiż-żoni l-aktar rurali, iżda wkoll fil-livell tan-netwerks differenti tat-trasport kollettiv. |
4.9 |
Peress li ċerti Stati Membri diġà attribwew il-kapaċitajiet ġodda ta’ frekwenza permezz ta’ bejgħ bl-irkant, u diġà bdew il-proċedura nazzjonali għall-użu ta’ dawn il-kapaċitajiet, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa l-iżvolġiment tas-sitwazzjoni u jitlobha tintervjeni, fil-qafas tal-kompetenza tagħha f’dan il-qasam, meta jkun hemm l-iċken riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq uniku. |
Brussell, is-26 ta’ Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) ĠU C 242, 23.7.2015, p. 31.
(2) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/131 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-futur tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Grupp tal-AKP”
(2016/C 303/19)
Relatur: |
is-Sinjura Brenda KING |
Nhar il-15 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li titlob lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni dwar:
“Il-futur tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Grupp tal-AKP”
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta' April 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’192 vot favur, l-ebda vot kontra u 4 astensjonijiet.
1. Rakkomandazzjonijiet u Konklużjonijiet
1.1 |
L-iskadenza tal-Ftehim ta’ Cotonou fl-2020 tipprovdi l-opportunità li tiġi riveduta s-sħubija AKP-UE u jiġi ddeterminat x’forma għandha tieħu u x’inhuma l-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati. Filwaqt li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) huma entużjasti li jġeddu r-relazzjoni – peress li l-pajjiżi tal-AKP jitqiesu bħala msieħba ewlenin – hija enfasizzat li ser tesplora l-għażliet kollha, inklużi alternattivi għal trattat u approċċ kollettiv. |
1.2 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jinnota li, fir-rigward tat-tkomplija mal-AKP bħala kollettiva, din hija deċiżjoni li għandha ssir mill-pajjiżi tal-AKP. |
1.3 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-UE għandha timmira li tikseb sħubija moderna, effettiva u ugwali mal-pajjiżi tal-AKP li tmur lil hinn minn tip ta’ relazzjoni bejn donatur u benefiċjarju u li tkun ibbażata fuq politika esterna tal-UE koerenti, integrata, fuq il-prinċipju ta' Koerenza politika għall-iżvilupp (PCD). |
1.4 |
Dan il-qafas għandu jiżgura l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż is-settur privat, li għandu jkollu l-kompitu li jissorvelja u jivvaluta l-impatt tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-Partijiet. Is-soċjetà ċivili għandha tingħata l-appoġġ tekniku u finanzjarju meħtieġ biex twettaq dan ir-rwol. |
1.5 |
Il-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou (CPA) fil-forma attwali tiegħu – fejn l-investiment u l-iżvilupp ekonomiku jitħallat ma’ approċċ politiku mmexxi mill-valuri – diġà jikkomplementa l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (SDGs). L-arranġament ta’ wara Cotonou, madankollu, ser ikollu jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet deskritti f’din l-opinjoni, kif ukoll jipprovdi għal monitoraġġ u evalwazzjoni tal-ftehim. Il-KESE jista’ jaqdi rwol ċentrali f'dan il-proċess. |
1.6 |
Il-KESE jirrakkomanda li kull tip ta’ appoġġ għall-iżvilupp li l-UE tagħti lil pajjiżi terzi għandu jaqa’ taħt l-istess qafas legali u għandu jkun soġġett għall-istess skrutinju demokratiku mill-Parlament Ewropew, filwaqt li jinżammu l-istess aspetti pożittivi tal-FEŻ. |
1.7 |
Is-sħubija UE-AKP diġà tipprovdi qafas komprensiv biex jiġu indirizzati kwistjonijiet globali, bħat-tibdil fil-klima u dan kien wera li kien effettiv fin-negozjati tal-COP21. Għandhom jissaħħu l-isforzi konġunti sabiex tinbena r-reżiljenza fil-pajjiżi tal-AKP u tal-UE, u biex jiġu miġġielda l-impatti negattivi potenzjali: diżastri naturali, ir-rovina ekonomika u wkoll il-migrazzjoni klimatika. |
1.8 |
Il-KESE jappoġġja l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) mit-tfassil, sal-monitoraġġ u l-implimentazzjoni u r-reviżjoni ex post ta’ oqsma ta’ politika UE-AKP. Permezz ta’ proċess olistiku ta’ djalogu strutturat u konsultazzjoni regolari mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-sħubija ser tiffunzjona fuq l-ispirtu tas-CPA biex tinkludi bis-sħiħ l-NSAs kif deskritt fl-Artikolu 6 tas-CPA. |
1.9 |
Billi tibni fuq l-acquis tal-koperazzjoni UE-AKP, iż-żewġ imsieħba f’parità, jistgħu effettivament jiżviluppaw strateġiji konġunti fl-oqfsa futuri Nofsinhar-Nofsinhar u dawk trijangolari għal kooperazzjoni għall-iżvilupp. L-iskambju reċiproku fost dawn l-imsieħba jista’ jkun xprun effettiv biex jiġi indirizzat il-qafas il-ġdid tal-iżvilupp internazzjonali u l-isfidi globali, inklużi dawk relatati mar-rwol ta’ pajjiżi bi dħul medju. |
1.10 |
Sħubija futura għandha twassal għal “sħubija bejn partijiet ugwali”, enfasizzata fil-qafas il-ġdid, li tirrikonoxxi l-isfidi tal-universalità madwar l-UE u l-pajjiżi tal-AKP: l-inugwaljanza fid-dħul, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, it-tibdil fil-klima u aktar. F’kooperazzjoni konġunta u b’kundizzjonijiet indaqs, l-UE u l-imsieħba tal-AKP jistgħu jagħmlu ħilithom biex isolvu l-isfidi tal-iżvilupp kemm fl-UE u kif ukoll fl-Istati AKP. |
2. Daħla
2.1 |
L-Unjoni Ewropea (UE) u d-79 pajjiż tal-Afrika, l-Karibew u l-Paċifiku (AKP) għandhom ftehim ta’ kooperazzjoni internazzjonali komprensiv u legalment vinkolanti li għaqqad aktar minn nofs l-istati nazzjon tad-dinja. L-hekk imsejjaħ Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou (CPA jew Cotonou) kien iffirmat f’Benin fl-2000 u għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni li ilha għaddejja fil-politika, il-kummerċ u l-iżvilupp bejn l-UE u l-pajjiżi AKP. Dan il-ftehim wassal għall-ħolqien ta’ firxa ta’ istituzzjonijiet li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-AKP u l-UE fost il-gvernijiet, l-uffiċjali pubbliċi, il-membri tal-Parlament, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, inkluż is-settur privat. Jibni fuq ir-relazzjoni storika bejn l-UE u dawk li kienu kolonji ta’ xi pajjiżi tagħha, li evolvew permezz ta’ suċċessjoni ta’ ftehimiet post-kolonjali: mill-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni bħall-Konvenzjonijiet ta’ Yaoundé I u II bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-eks kolonji Franċiżi fl-Afrika (1963–1975), għall-Konvenzjonijiet ta’ Lomé suċċessivi tal-AKP-UE (1975–2000), u l-aħħar Ftehim ta’ Sħubija ffirmat f’Cotonou (2000). |
2.2 |
Is-CPA mistenni jiskadi fl-2020 u dan wassal biex il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jippubblikaw Dokument ta’ Konsultazzjoni Konġunta, datat is-6 ta’ Ottubru 2015. Kif ġie ddikjarat fid-dokument ta’ konsultazzjoni, l-iskop kien “biex jesplora sa fejn jibqa’ validu għall-futur u joffri pjattaforma biex irawwem l-interessi konġunti” minħabba l-kuntest tal-iżviluppi istituzzjonali, politiċi u soċjoekonomiċi kemm fl-UE kif ukoll fl-AKP f’dinja li nbidlet b’mod sinifikanti matul l-aħħar 15-il sena. |
2.3 |
L-involviment tas-soċjetà ċivili – Kummenti speċifiċi dwar id-djalogu politiku |
2.3.1 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Artikolu 6 tas-CPA jappoġġja l-involviment tal-atturi mhux statali (NSAs) billi jirrikonoxxi li huma parteċipanti essenzjali fis-sħubija. Madankollu, huwa diżappuntat li l-kooperazzjoni baqgħet daqstant orjentata lejn il-gvern, minkejja li jirrikonoxxi li d-djalogu politiku huwa importanti għat-trawwim tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-iżvilupp. |
2.3.2 |
Il-KESE jtenni r-rwol kruċjali tal-partijiet interessati mhux governattivi matul il-proċess tal-iżvilupp u fil-monitoraġġ tal-FSE. Huwa ċar li qafas ta’ wara Cotonou li jkun iktar trasparenti u parteċipattiv għandu aktar opportunitajiet li jikseb riżultati sinifikattivi. |
2.3.3 |
Il-KESE jinnota b’diżappunt li għadd ta’ pajjiżi AKP qegħdin jintroduċu leġislazzjoni restrittiva sabiex inaqqsu l-ħidma tal-NSAs, li f’xi każijiet kellhom implikazzjonijiet dannużi għall-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili. L-Indiċi ta’ Sostenibiltà tas-CSO tal-2014 (1) jenfasizza li f’ħafna pajjiżi fl-Afrika sub-Saħarjana, is-CSOs – b’mod partikulari dawk iffokati fuq il-promozzjoni u d-drittijiet tal-bniedem – qed jiffaċċjaw dejjem aktar restrizzjonijiet jew theddid ta’ restrizzjonijiet fuq ix-xogħol tagħhom. |
2.3.4 |
Il-KESE jirrakkomanda li jkun xi jkun il-qafas maqbul għal wara l-2020, dan għandu jsaħħaħ il-leġittimità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’mod partikolari, u tal-atturi mhux statali b’mod ġenerali bħala partijiet interessati reali fil-proċessi ta’ politika. Barra minn hekk, il-KESE huwa konxju li l-implikazzjonijiet tal-esklużjoni tal-NSAs huma fundamentalment detrimentali. Għalhekk jitlob għal aktar impenji tekniċi u finanzjarji li jinkoraġġixxu u jsaħħu l-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili. |
3. Sfond — CPA
3.1 |
L-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma fl-1957 assoċja l-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (OCT) mal-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) f’qafas ta’ kooperazzjoni formali u privileġġata li struttura r-relazzjoni tal-Ewropa ma’ pajjiżi tal-AKP. Il-Grupp AKP, maħluq mill-membri tiegħu bil-Ftehim ta’ Georgetown fl-1975, inizjalment kien magħmul minn 46 Stat tal-AKP: 36 stat Afrikan, 7 mill-Karibew u 3 stati mill-Paċifiku. Illum, il-Grupp AKP huwa magħmul minn 79 pajjiż – 48 fl-Afrika sub-Saħarjana, 16 fil-Karibew u 15 fil-Paċifiku (Kuba hija membru, għalkemm mhijiex firmatarja tas-CPA, u l-Afrika t’Isfel hija parti kontraenti għas-CPA, għalkemm hija eżentata minn ċerti dispożizzjonijiet). Sa mis-sena 2000, il-kooperazzjoni bejn l-AKP u l-UE kienet irregolata mis-CPA. |
3.2 |
L-għan ewlieni tas-CPA li “jitnaqqas u fl-aħħar jitneħħa l-faqar bl-għan li jkun hemm żvilupp sostenibbli u integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi tal-AKP fl-ekonomija dinjija” huwa ppreżentat fi tliet pilastri kumplementari:
|
4. Sfond — Dinja li Qed Tinbidel
4.1 |
Kif rikonoxxut fid-Dokument ta’ Konsultazzjoni Konġunta, id-dinja nbidlet b’mod sinifikanti minn meta l-ftehim daħal fis-seħħ fl-2000. Fil-livell tal-UE, l-UE kibret u kienet tinkludi 13 Stat Membru ġdid bejn l-2000 u l-2013 biex b'hekk tinkludi total ta’ 28 Stat Membru. L-Istati Membri l-ġodda m'għandhomx il-konnessjonijiet kolonjali storiċi, u min-naħa tagħhom, għandhom storja differenti jew assenti tal-kummerċ, ir-relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi mal-istati tal-AKP, lil hinn mir-relazzjonijiet mill-adeżjoni fl-UE. Fil-livell globali, id-dinja saret aktar popolata, konnessa, interdipendenti, kumplessa u volatili bi sfidi ġodda bħat-taħwid fil-klima, l-impatti tal-globalizzazzjoni, żieda fl-atti terroristiċi, il-kunflitti u l-immigrazzjoni tal-massa. |
4.2 |
Mis-sena 2000 ’l hawn, tfaċċaw potenzi ekonomiċi oħrajn fl-Afrika, l-Asja u l-Amerika Latina u gruppi ta’ sħubija oħrajn bħall-Unjoni Afrikana u l-G77, fejn bosta mill-pajjiżi AKP huma fil-mira biex jinkiseb status ta’ introjtu medju bejn l-2020 u l-2030 u b’hekk tonqos id-dipendenza tagħhom fuq l-għajnuna barranija. |
4.3 |
Is-sħubija tal-UE mat-tliet reġjuni li jifformaw il-Grupp AKP issaħħet barra mis-CPA għalkemm b’sinerġija miegħu. Dan huwa rifless mis-sħubija strateġika bejn l-Afrika u l-UE, mill-istrateġija tas-sħubija konġunta bejn il-Karibew u l-UE u mill-istrateġija għal sħubija msaħħa mal-Gżejjer tal-Paċifiku. Il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet reġjonali u sottoreġjonali żdiedet ukoll, b’mod partikolari mal-FSE u fil-qasam tal-paċi u s-sigurtà. |
4.4 |
Għalkemm kien hemm suċċessi fl-iżvilupp globali, xorta għad hemm lakuni sinifikanti, li jvarjaw minn mijiet ta’ miljuni ta’ nies li għadhom jgħixu f’faqar estrem għall-inugwaljanza bejn is-sessi sal-emissjonijiet globali tad-dijossidu tal-karbonju, li żdiedu b’aktar minn 50 % mill-1990. Fil-livell internazzjonali, f’Settembru 2015 ġie adottat qafas globali ġdid dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), flimkien mal-finanzjament tiegħu, li fl-istess waqt jindirizza l-isfidi interkonnessi tal-eradikazzjoni tal-faqar u tal-iżvilupp sostenibbli. Huwa sostnut minn “sħubija globali” ġdida, li timmobilizza l-mezzi kollha tal-implimentazzjoni u l-atturi kollha u tapplika b’mod universali għall-pajjiżi kollha. |
4.5 |
Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda qafas effettiv għar-relazzjonijiet internazzjonali lil hinn minn tip ta’ relazzjoni bejn donatur u benefiċjarju, li tkun adattata għall-iskop tagħha sabiex timplimenta l-SDGs u tikseb riżultati aħjar għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kemm tal-AKP kif ukoll tal-Ewropa permezz ta’ kooperazzjoni politika, ekonomika u ta’ żvilupp. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1 Il-Pilastru tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp
5.1.1 |
Il-KESE jemmen li l-ibbilanċjar mill-ġdid tas-sħubija, b'konformità mal-Aġenda 2030, bl-17-il SDG tiegħu, se jkun l-aktar qafas xieraq biex “jissaħħaħ il-mezz ta’ implimentazzjoni u tingħata ħajja ġdida lis-sħubiji globali” (SDG 17). L-SDGs joffru qafas koluni li jinkludi 169 mira, li għandhom l-għan li jeqirdu l-faqar u l-ġuħ, jiggarantixxu l-aċċess għal enerġija affordabbli u sostenibbli għal kulħadd, jibnu infrastruttura reżiljenti, jiġġieldu t-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu, u jippromovu l-istat tad-dritt u l-aċċess ugwali għall-ġustizzja għal kulħadd. |
5.1.2 |
Skont il-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD), il-qafas tal-SDG joffri gwida komplementari u olistika għar-relazzjonijiet futurui bejn l-UE u l-AKP sabiex jinkisbu għanijiet konġunti, li ser ikollhom firxa globali. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-politiki interni tal-UE għandhom implikazzjonijiet esterni, li jista’ jkollhom impatti negattivi fuq il-pajjiżi msieħba, li jaħdmu flimkien biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli għandu effett residwu pożittiv għall-iżgurar ta’ koerenza tal-politiki għall-iżvilupp permezz tal-allinjament tal-prijoritajiet filwaqt li jiġu rispettati l-aġendi ta’ żvilupp reġjonali. |
5.1.3 |
Ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex jinkisbu l-SDG huma enormi, b’investiment infrastrutturali li jlaħħaq għal madwar 80 % ta’ dawn ir-riżorsi, skont il-Bank Dinji u Banek Multilaterali tal-Iżvilupp oħrajn. Għalkemm il-FEŻ għadu sors importanti ta’ finanzjament għall-pajjiżi lanqas żviluppati, huwa żgħir meta mqabbel mal-baġits globali ta’ ħafna pajjiżi u, fil-fatt, huwa mistenni li jonqos. Madankollu, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi (DRM) f’ħafna pajjiżi AKP tista’ tkun sors ewlieni ta’ żvilupp tal-finanzjament. Ir-rapport tal-Bank Dinji għall-2013 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp wara l-2015 jistma li bejn 50 % u 80 % tal-finanzjament infrastrutturali skont l-SDGs mistenni jkun mir-riżorsi domestiċi proprja tal-pajjiżi. |
5.1.4 |
Għalhekk, il-KESE jemmen li l-fond għall-iżvilupp għandu jintuża għall-bini ta’ kapaċità għall-mobilizzazzjoni u l-użu tar-riżorsi domestiċi. Pereżempju, skont l-OECD, kull $1 ta’ għajnuna għall-iżvilupp extra-Ewropew (ODA) li jintefaq fuq il-bini ta’ kapaċità amministrattiva fiskali għandu l-potenzjal li jiġġenera eluf ta’ dollari fi dħul mit-taxxa inkrementali, skont is-sitwazzjoni tal-pajjiż. Huwa stmat li t-taxxi huma biss 10–15 % tal-PDG fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Afrikani (3). Bl-istess mod, il-pajjiżi għonja fir-riżorsi jistgħu jiġu appoġġjati sabiex jibnu l-kapaċità tagħhom li jinnegozjaw kuntratti ġusti mal-kumpaniji tat-tħaffir fil-minjieri u kumpaniji oħrajn tal-estrazzjoni, bil-għan li jtejbu d-dħul tagħhom sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw l-impenji tagħhom b’rabta mal-SDG. Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-AKP għandhom jiġu sostnuti fil-miri tagħhom biex jindustrijalizzaw u jipproċessaw il-materja prima u l-prodotti bażiċi tagħhom stess għas-swieq lokali, reġjonali u internazzjonali. |
5.1.5 |
Il-KESE jirrakkomanda wkoll kooperazzjoni futura biex tindirizza nuqqas serju ta’ ħaddiema tas-sengħa fis-setturi li qed jikbru malajr fil-pajjiżi AKP, speċjalment peress li n-NU tbassar li se jkun hemm 2,5 biljun Afrikani – kwart tal-popolazzjoni tad-dinja (4). Dawn is-setturi jinkludu l-industriji tal-estrazzjoni, l-enerġija, l-ilma, u l-infrastruttura, kif ukoll l-agrikoltura, is-saħħa u t-telekomunikazzjonijiet. Dan in-nuqqas ta’ ħiliet hija waħda mir-raġunijiet għaliex il-pajjiżi AKP jesportaw materja prima li tkun ipproċessata f’partijiet oħra tad-dinja, għad-detriment tal-impjiegi u l-industriji tal-AKP. Dawn il-pajjiżi jeħtieġu wkoll ir-riċerka u s-soluzzjonijiet innovattivi tagħhom stess biex jiġu indirizzati l-isfidi ta’ żvilupp tagħhom inkluż it-tibdil fil-klima. Madankollu, il-proporzjon ta’ riċerkaturi skont il-popolazzjoni hija baxxa ħafna fil-pajjiżi Afrikani. Il-Burkina Faso, pereżempju, għandha 45 speċjalist tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) għal kull miljun ruħ, u n-Niġerja għandha 38, meta mqabbla ma’ medja ta' 481 fl-Amerika Latina u 1 714 fl-Asja tal-Lvant (5). Il-migrazzjoni ċirkolari għandha tiġi inkluża wkoll sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħiliet. Erasmus + jipprovdi diġà għall-migrazzjoni ċirkolari taż-żgħażagħ tal-UE, dispożizzjonijiet simili għandhom jiddaħħlu fis-seħħ għaż-żgħażagħ tal-AKP. Dan jeħtieġ tfassil mill-ġdid tad-dibattitu dwar il-migrazzjoni biex niffokaw iżjed fuq il-mobilità, b’mod speċjali fost iż-żgħażagħ għal edukazzjoni u taħriġ, taħriġ fuq il-post tax-xogħol u skambji, u oħrajn. |
5.1.6 |
L-UE u l-Istati Membri tagħha, f’konformità mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, kif ukoll ir-rakkomandazzjoni msemmija hawn fuq biex tinbena l-kapaċità amministrattiva fiskali permezz ta’ appoġġ għall-iżvilupp, għandhom jindirizzaw b’mod effettiv il-kwistjoni tal-Flussi Finanzjarji Illeċiti (IFFs). Il-governanza fiskali hija importanti ħafna u għandha l-potenzjal li ttejjeb l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi tal-AKP. B’mod partikolari fl-Afrika, aktar jintilef fl-IFF milli l-kontinent jirċievi permezz tal-ODA u l-IDB flimkien. |
5.1.7 |
Sħubija futura għandha wkoll tirrikonoxxi r-rwol mhux negliġibbli tar-rimessi mill-impjieg tal-migranti u dijaspori li saru sors fundamentali ta’ Investiment Dirett Barrani (IDB) fil-pajjiżi AKP, li jeċċedi l-ODA. Madankollu, huwa importanti li l-Istati Membri tal-UE jonoraw l-impenn tagħhom li jipprovdu 0,7 % tal-ING, bħala parti mir-rispett tal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp. |
5.2 Il-pilastru tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali
5.2.1 |
Il-FSE huma maħsuba biex irawmu l-integrazzjoni reġjonali u kienu jinkludu l-ħolqien ta’ Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali (REC) tal-AKP. In-negozjati bdew fl-2002, iżda kien hemm pressjoni ta’ żmien minħabba r-rinunzja tad-WTO – li żammet trattament preferenzjali għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fil-Grupp AKP vis-à-vis pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw li mhumiex AKP – li kienet mistennija tiskadi fl-aħħar tal-2007. |
5.2.2 |
In-negozjati tal-FSE saru diffiċli minħabba numru ta’ raġunijiet: il-kapaċitajiet ta’ negozjar u l-maturità varji tar-REC tal-AKP; il-viżjonijiet differenti tal-iżvilupp u tal-integrazzjoni reġjonali; il-viżjoni differenti tal-kummerċ ibbażat fost l-oħrajn fuq ir-reċiproċità. Peress li n-negozjati bdew fl-2002, issa hemm kemm FSE komprensivi u FSE interim (FSE-i) kif ukoll għadd ta’ reġimi kummerċjali differenti li japplikaw għall-pajjiżi AKP, inkluża s-Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzata (GSP/GSP+) u ta’ Kollox ħlief Armi (EBA). |
5.2.3 |
Billi l-FSE għandu l-għan li jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku sostnut, għall-eradikazzjoni tal-faqar, għaż-żieda fil-livell tal-għajxien u għall-integrazzjoni reġjonali, fost l-oħrajn, ser ikun kruċjali li l-FSE jiġu implimentati u mmonitorjati b’mod korrett sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu dawn l-għanijiet. |
5.2.4 |
Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li jiġi implimentat qafas (jiġifieri kumitati konsultattivi konġunti) sabiex ikun żgurat li l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, kemm fl-UE kif ukoll fir-reġjuni AKP, ikollhom rwol fil-monitoraġġ tal-istrutturi tal-FSE, li r-rakkomandazzjonijiet tagħhom bħalar riżultat tal-monitoraġġ ikunu jistgħu jiġu infurzati u li l-proċessi jkunu kompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli u li dawn ikomplu jiġu implimentati wara l-2020. Fejn in-negozjati għal Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika bħal mas-SADC diġà ġew konklużi, u għalhekk huwa improbabbli li dawn jistgħu jinfetħu mill-ġdid, il-KESE jappoġġja Protokoll ta’ Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika li qed jiġi nnegozjat f’dan is-sens. |
5.2.5 |
Id-delegazzjonijiet tal-UE (EUD) huma atturi ewlenin u għandhom jinvolvu ruħhom ma’ NSAs lokali u istituzzjonijiet reġjonali tal-pajjiżi AKP u tal-UE sabiex ikollhom azzjoni konġunta trasparenti, koordinata u effettiva. Barra minn hekk, għandu jkun hemm koordinazzjoni konġunta tal-pjani direzzjonali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-EUD u l-istrateġija reġjonali korrispondenti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-AKP, sabiex jitrawwem approċċ komprensiv fir-rigward tal-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
5.2.6 |
Il-KESE jirrakkomanda wkoll li dawn il-kumitati konsultattivi konġunti (JCC) ikunu jinkludu l-parteċipazzjoni wiesgħa tas-soċjetà ċivili bl-involviment ugwali tal-akkademiċi, tan-negozji u tal-imsieħba soċjali (fost oħrajn organizzazzjonijiet ta’ bdiewa, nisa u żgħażagħ, kif ukoll li dawn il-JCC ikunu mgħammra b’mod adegwat b’baġit aċċessibbli li jiffaċilita l-kapaċità tagħhom li jaġixxu b’mod effettiv u awtonomu. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ finanzjament għall-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-sħubija miż-żewġ imsieħba, sabiex tiġi inkorporata bis-sħiħ is- “sħubija bejn l-ugwali” li l-UE u l-AKP tant ifittxu. |
5.3 FEŻ
5.3.1 |
Il-FEŻ jitqies bħala sors prevedibbli u affidabbli ta’ finanzjament għall-iżvilupp li għandu rwol importanti sabiex iżomm l-interess tal-AKP fis-CPA. Forma kontroversjali ta’ finanzjament tal-FEŻ hija l-appoġġ baġitarju, jew l-għajnuna diretta għall-baġits nazzjonali, bl-iffissar tal-prijoritajiet definiti minn qabel (Appoġġ Baġitarju Settorjali) jew mingħajru (Appoġġ Baġitarju Ġenerali). Fil-perjodu 2002–2010, il-Kummissjoni impenjat total ta’ EUR 6,2 biljun għall-Appoġġ Baġitarju Ġenerali – aktar minn 90 % għall-Afrika. Minkejja dan, fil-ġejjieni, tkun xi tkun il-forma ta’ din is-sħubija, ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Karibew u l-Paċifiku la għandhom jiġu dilwiti u lanqas għandha l-gradwazzjoni ta’ pajjiżi bi dħul medju, b’mod ġenerali, taġixxi bħala ostakolu għall-iżvilupp sostenibbli. Sħubijiet futuri għandhom jippromovu u jipprijoritizzaw l-inklużività. |
5.3.2 |
Bħala medja, wieħed minn kull ħamsa tal-fondi tal-FEŻ jintużaw għall-appoġġ tas-settur u dak baġitarju. Għalkemm l-appoġġ baġitarju ġeneralment jitqies bħala mod effettiv ta’ kif tingħata l-għajnuna f’forma ta’ donazzjoni, huwa jdgħajjef il-kontabbiltà u l-governanza minħabba li huwa nieqes minn monitoraġġ xieraq u kundizzjonalità suffiċjenti. Barra minn hekk, lanqas ma huwa viżibbli ħafna, hekk kif isir parti mill-baġit globali tal-pajjiż, għalhekk, il-maġġoranza taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati nazzjonali mhumiex konxji tad-daqs tal-kontribuzzjonijiet tal-FEŻ. |
5.3.3 |
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li, biex jitjiebu r-responsabbiltà u t-trasparenza kull tip ta’ appoġġ għall-iżvilupp li l-UE tagħti lil pajjiżi terzi għandu jaqa’ taħt l-istess qafas legali u għandu jkun soġġett għall-istess skrutinju demokratiku mill-Parlament Ewropew, filwaqt li jinżammu l-istess aspetti pożittivi tas-sħubija. |
5.3.4 |
Ir-rispons mil-laqgħat reġjonali tal-KESE juri li l-atturi tas-soċjetà ċivili jqisu li l-proċeduri tal-offerti tal-UE għall-fondi huma wisq twal, burokratiċi u opaki. Barra minn hekk, il-proċessi tal-applikazzjoni huma wisq ineffiċjenti għal ħafna NSAs, fejn f’xi pajjiżi informazzjoni rilevanti tinxtered b’mod ineffikaċi. |
5.3.5 |
Il-KESE regolarment tkellem favur il-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili b’aċċess għar-riżorsi meħtieġa sabiex ikunu msieħba effettivi fit-trawwim tal-appartenenza għall-istrateġiji ta’ żvilupp, il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-monitoraġġ tagħhom, fil-pajjiżi u r-reġjuni rispettivi tagħhom, kif dikjarat fl-Artikolu 6 tas-CPA. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu rispettati kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi AKP. |
Brussell, il-25 ta' Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) https://www.usaid.gov/africa-civil-society.
(2) Karel de Gucht, il-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ, A Partnership of Equals (Sħubija bejn l-Ugwali), l-20 Sessjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE f’Kinshasa, 4 ta’ Diċembru 2010, p. 3. Aċċessat fis-26 ta' Diċembru 2012, http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2010/december/tradoc_147082.pdf.
(3) The Economist 16.04.15 Making Africa Work
(4) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
(5) http://www.worldbank.org/en/news/press-release/2014/04/15/world-bank-centers-excellence-science-technology-education-africa.
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/138 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni
“Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat”
(JOIN(2015) 50 final)
(2016/C 303/20)
Relatur: |
Is-Sur Andrzej ADAMCZYK |
Ko-relatur: |
Is-Sur Gintaras MORKIS |
Nhar it-18 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat”
(JOIN(2015)50-final).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta' April 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’162 vot favur, 15 voti kontra u 21 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa’ l-adozzjoni mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni Ewropea tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u jirrikonoxxi li ħafna mill-proposti li saru mill-KESE fl-Opinjoni dwar id-Dokument ta’ Konsultazzjoni Konġunta Lejn politika Ewropea tal-Viċinat ġdida (1) huma inklużi fir-rieżami, li huwa tentattiv sabiex il-PEV tiġi definita mill-ġdid bil-għan li ssir aktar effettiva. |
1.2 |
Il-ħtieġa li l-PEV tiġi riveduta hija, minn naħa waħda, riżultat tal-falliment tal-approċċ uniformi ta’ “wieħed tajjeb għal kulħadd” u, min-naħa l-oħra, konsegwenza tal-frammentazzjoni u d-dekompożizzjoni kontinwi tal-uniformità relattiva tal-Viċinat tan-Nofsinhar u tal-Viċinat tal-Lvant. |
1.3 |
Il-PEV il-ġdida għandha tirrikonoxxi li l-għeruq tal-iżviluppi drammatiċi f’dawk ir-reġjuni jinsabu kemm fil-pressjoni esterna kif ukoll fl-instabbiltà interna, marbuta mal-faqar, l-inugwaljanza, in-nuqqas ta’ opportunitajiet, il-korruzzjoni, ir-radikalizzazzjoni politika u reliġjuża kif ukoll l-estremiżmu vjolenti. |
1.4 |
L-intenzjoni tar-reviżjoni tal-PEV hija li din issir flessibbli biżżejjed sabiex jinżammu abbord dawk il-pajjiżi li ma jistgħux jew li mhumiex lesti li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha relatati mal-integrazzjoni ekonomika jew mal-allinjament mal-acquis communautaire. F'dan is-sens, il-PEV il-ġdida hija ddisinjata fi spirtu ta’ inklussività. |
1.5 |
Sabiex jiġi llimitat id-dannu li jirriżulta mill-iżviluppi drammatiċi fil-viċinat, il-Komunikazzjoni tistabbilixxi prijorità ġdida ta’ stabbilizzazzjoni u approċċ ġdid ta’ differenzjazzjoni. |
1.6 |
L-enfasi li ssir fuq l-istabbilizzazzjoni tispjega għaliex il-kwistjoni tas-sigurtà interna u esterna għandha post daqstant prominenti fil-komunikazzjoni. Madankollu, għalkemm l-istrumenti għad-dispożizzjoni tal-UE huma limitati, l-attitudni reattiva preżenti għandha tiġi sostitwita minn politika proattiva ta’ sforzi diplomatiċi dinamiċi mmirati għal prevenzjoni tal-kunflitti u sabiex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitti ffriżati. |
1.7 |
Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ekonomiku bħala l-prerekwiżit ewlieni għal ambjent stabbli u sigur fil-viċinat tal-UE. L-UE għandha tkun konsistenti ħafna f’li tipprovdi appoġġ ekonomiku lill-imsieħba tal-PEV u s-saħħaħ il-kundizzjonijiet fit-tul u l-motivazzjoni biex ikomplu bir-riformi ekonomiċi, iżidu l-kompetittività u jimmodernizzaw ir-regolamenti dwar in-negozju. |
1.8 |
Huwa wkoll evidenti li l-iżvilupp ekonomiku jrid ikun akkumpanjat mid-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tiegħu, huwa biss jekk dawn il-fatturi jmorru flimkien li jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għal progress stabbiltà u paċi soċjali reali. |
1.9 |
Il-KESE jifhem li l-metodu ta’ ħidma ġdid ta’ differenzjazzjoni jirrifletti s-sens ta’ realiżmu politiku, il-lakuni li qegħdin jikbru bejn il-pajjiżi msieħba u l-aspirazzjonijiet differenti tagħhom. Madankollu, anki jekk ma jistgħux jiġu ssodisfati l-kriterji ekonomiċi kollha, l-UE ma għandhiex tagħmel kompromessi fuq il-kwistjoni tal-valuri fundamentali Ewropej, inklużi d-dimensjoni soċjali, ir-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Hija ħasra li l-prinċipju tar-rispett għall-istandards tax-xogħol tal-ILO mhuwiex imsemmi fil-komunikazzjoni bħala pedament tar-relazzjonijiet industrijali b’saħħithom. |
1.10 |
Ma hemmx biżżejjed enfasi fuq ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata u d-djalogu soċjali u ċivili awtonomu. L-għanijiet tal-PEV, inkluża l-istabbilizzazzjoni, qatt ma jistgħu jintlaħqu mingħajr l-involviment sostanzjali tal-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili. M’għandna qatt ninsew li l-integrazzjoni Ewropea hija, fuq kollox, proġett ta’ paċi, u s-soċjetà ċivili hija interessata b’mod vitali fis-suċċess tagħha. |
1.11 |
Il-Komunikazzjoni ma ssemmix l-iżbilanċ eżistenti tad-djalogu soċjali u ċivili kif ukoll il-ksur tad-dritt ta’ assoċjazzjoni u l-organizzazzjoni libera fiż-żona tal-PEV. |
1.12 |
Il-komunikazzjoni tidher li qiegħda tipproponi approċċ pjuttost difensiv illi tillimita l-ambizzjonijiet tal-PEV minħabba l-potenzjal li qed jiċkien tagħha. Huwa minnu li l-UE kienet ikkonfrontata bi żviluppi problematiċi u xi drabi drammatiċi kemm fil-Viċinat tan-Nofsinhar kif ukoll f’dak tal-Lvant. Madankollu, nuqqas ta’ viżjoni ma jgħinx sabiex jingħeleb l-imblokk. Il-KESE jissuġġerixxi li tiġi definita aġenda ta’ PEV ġdida, kuraġġuża u dinamika, inkluż il-prospett ta’ adeżjoni mal-UE għal uħud minn dawk il-pajjiżi msieħba, speċjalment fil-Lvant, li għandhom aspirazzjonijiet bħal dawn u li jistgħu u huma lesti li jissodisfaw ir-rekwiżiti. |
1.13 |
Il-KESE jilqa’ d-dikjarazzjoni li l-komunikazzjoni u l-promozzjoni aħjar tal-politiki tal-UE se jkunu fil-qalba tal-Politika Ewropea tal-Viċinat il-ġdida bl-għan li tispjega aħjar ir-raġuni fundamentali tal-politiki tal-UE u l-impatt pożittiv ta’ azzjonijiet konkreti tal-UE. Madankollu, huwa importanti wkoll li jiġi limitat il-periklu li jirriżulta mill-informazzjoni ħażina, mid-diżinformazzjoni u mill-propaganda, li huma f’kunflitt mar-realtà, il-valuri tal-UE u mal-għanijiet tal-PEV. |
1.14 |
Għandu jiġi enfasizzat li l-PEV, kemm fin-Nofsinhar kif ukoll fil-Lvant, hija mhedda minn fatturi esterni. Id-Da’esh qed tipprova tiddestabilizza, fost l-oħrajn, il-Viċinat tan-Nofsinhar permezz ta’ terroriżmu u gwerra. L-isforzi diplomatiċi u l-azzjoni militari tar-Russja għandhom fil-mira diretta l-PEV, b’mod partikolari s-Sħubija tal-Lvant. Barra minn hekk, l-intervent militari tagħha fin-Nofsinhar isaħħaħ ir-reġim awtoritarju fis-Sirja. |
2. Il-ħtieġa għal PEV ġdida riveduta
2.1 |
Il-KESE jilqa’ r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat mill-Kummissjoni, li għandu l-għan li jiddefinixxi mill-ġdid il-miri u l-approċċ ġenerali tagħha wara l-iżviluppi drammatiċi fil-viċinat tal-UE. |
2.2 |
Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-viċinat tagħha huma bbażati fuq l-Artikolu 8 tat-trattat UE, li jgħid li l-Unjoni għandha tiżviluppa relazzjoni speċjali mal-pajjiżi ġirien, bil-għan li tistabbilixxi żona ta’ prosperità u ta’ viċinanza tajba, ibbażata fuq il-valuri tal-Unjoni u kkaratterizzata minn relazzjonijiet paċifiċi u mill-qrib abbażi tal-kooperazzjoni. |
2.3 |
Oriġinarjament, il-miri tal-PEV kienu pjuttost ambizzjużi u l-għan ġenerali kien li tinkiseb l-eqreb assoċjazzjoni politika possibbli u l-akbar livell possibbli ta’ integrazzjoni ekonomika mal-viċinati tan-nofsinhar u tal-lvant tal-UE. |
2.4 |
Waħda mill-konsegwenzi tal-integrazzjoni ekonomika hija l-aċċess potenzjalment akbar għas-suq uniku tal-UE, li għandu jimxi id f’id mar-riformi politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali diffiċli, kif ukoll l-impenn għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. |
2.5 |
Madankollu, sa mill-2003-2004, meta tfasslet il-PEV, il-viċinat għadda minn bidliet drammatiċi u l-prinċipju oriġinali ta’ “wieħed tajjeb għal kulħadd” wera li kien kompletament ineffettiv. |
2.6 |
Sa mill-2014, il-Viċinat tal-Lvant kien affettwat severament mill-politika aggressiva tal-gvern u l-amministrazzjoni presidenzjali attwali tar-Russja, speċjalment il-gwerra fl-Ukraina u l-manuvri (parzjalment ta’ suċċess) sabiex il-ġirien tal-lvant tal-UE jiġu attirati lejn l-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika ddominata mir-Russja. |
2.7 |
Filwaqt li jiġi rikonoxxut li kull pajjiż għandu d-dritt għall-perspettiva politika tiegħu, ta’ min wieħed jinnota li l-amministrazzjoni preżenti tar-Russja tixtieq tiżviluppa l-politika tal-viċinat tagħha stess, li hija inkompatibbli mal-PEV, u trid li titqies bħala parteċipanta globali u entità ta’ importanza simili għall-UE. |
2.8 |
Għalkemm il-kooperazzjoni kostruttiva tal-UE mar-Russja tista’ potenzjalment tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat, ma jidhirx li huwa probabbli li fil-futur prevedibbli ser ikun possibbli li jiġi evitat il-kunflitt ta’ interess fil-Viċinat tal-Lvant, sakemm ir-Russja ma tbiddilx l-attitudni aggressiva u sovversiva tagħha. L-iżviluppi reċenti fis-Sirja huma evidenza li dan jista’ japplika wkoll għal Viċinat tan-Nofsinhar. |
2.9 |
Fil-Viċinat tan-Nofsinhar, il-gwerra fis-Sirja, il-kunflitti fil-Libja, l-emerġenza tad-Da’esh, l-iżviluppi politiċi kontroversjali f’xi pajjiżi tar-reġjun u kunflitti armati oħrajn fil-Lvant Nofsani jfissru li t-tamiet kbar għall-paċi u t-trasformazzjoni demokratika assoċjati mar-Rebbiegħa Għarbija qed jisfaxxaw fix-xejn, għall-inqas fil-futur qrib. |
2.10 |
Dawn l-iżviluppi negattivi kollha u l-lakuni li qegħdin jikbru f’ħafna żoni bejn pajjiżi differenti kemm fil-Viċinat tan-Nofsinhar kif ukoll f’dak tal-Lvant jappellaw għal prijoritizzazzjoni mill-ġdid, approċċ ġdid, metodi ta’ ħidma ġodda u diplomazija tal-UE aktar proattiva u effettiva. Il-komunikazzjoni hija reazzjoni għal dawn l-isfidi. |
3. L-istabbilizzazzjoni – prijorità ġdida
3.1 |
Il-Kummissjoni aċċettat l-opinjonijiet tal-KESE dwar il-ħtieġa li l-istabbiltà, is-sigurtà akbar, il-flessibbiltà u d-differenzjazzjoni, kif ukoll is-sjieda reċiproka akbar, isiru prijoritajiet tal-PEV riveduta. Ir-rieżami jidentifika l-istabbilizzazzjoni bħala l-aktar sfida urġenti f’ħafna partijiet tal-viċinat u, għalhekk, jirrakkomanda li din issir il-prijorità politika ewlenija tal-PEV il-ġdida. |
3.2 |
Il-KESE jemmen li din ir-rakkomandazzjoni hija fondata sewwa, hekk kif l-iżviluppi riċenti jipprovdu evidenza li l-UE setgħet trawwem l-istabbiltà, il-prosperità u s-sigurtà fil-viċinat parzjalment biss. |
3.3 |
Huwa ċar ħafna wkoll li t-theddidiet għall-istabbiltà tal-viċinat jistgħu jirrappreżentaw mhux biss l-ostakoli għat-tranżizzjoni demokratika u l-proċess ta’ riforma li appellat għalihom l-UE, iżda għandhom ukoll impatt negattiv fuq il-pajjiżi li qegħdin jirnexxu fit-trasformazzjoni tagħhom xprunata mill-PEV u fuq l-UE nnifisha. |
3.4 |
Il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti għandhom jissaħħu b’mod sostanzjali, speċjalment minħabba li ħafna kunflitti ffriżati għadhom theddida serja għall-istabbiltà kemm fil-Viċinat tan-Nofsinhar kif ukoll f'dak tal-Lvant. Sabiex ikollha rwol pożittiv fit-tfittxija ta’ soluzzjonijiet paċifiċi, l-Ewropa għandha, fuq naħa waħda, tibqa’ imparzjali u, fuq in-naħa l-oħra, tgħin lill-vittmi, lil dawk l-aktar vulnerabbli u lil dawk li jinsabu taħt theddida. |
3.5 |
Huwa pjuttost evidenti wkoll li l-instabbiltà mhijiex biss riżultat ta’ pressjoni esterna, u l-komunikazzjoni konġunta hija korretta meta tidentifika rabta bejn l-istabbiltà u l-faqar, l-inugwaljanza, in-nuqqas ta’ opportunitajiet u l-korruzzjoni, li kollha jistgħu jżidu l-vulnerabbiltà għar-radikalizzazzjoni. Madankollu, id-dokument għandu nuqqas ta’ bilanċ bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali, fejn jissottovaluta r-rwol importanti tal-benesseri u tal-protezzjoni soċjali għall-istabbiltà. |
4. Differenzjazzjoni
4.1 |
Il-PEV il-ġdida tfasslet sabiex tkun tirrifletti l-aspirazzjonijiet, l-ambizzjonijiet u l-interessi differenti tal-pajjiżi msieħba u s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-iżviluppi differenti fil-pajjiżi partikolari tal-viċinat tal-UE. |
4.2 |
Il-komunikazzjoni konġunta tiddikjara li “l-UE ser tkompli taħdem mal-gvernijiet imsieħba, mas-soċjetà ċivili u maċ-ċittadini fuq kwistjonijiet relatati mad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem”. Din id-dikjarazzjoni hija ’l bogħod minn kategorika, billi tirrifletti s-sens ġdid ta’ realiżmu politiku u r-rieda li ddgħajjef il-promozzjoni soda tal-valuri Ewropej stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. |
4.3 |
Fil-komunikazzjoni ma hemm ebda referenza għar-Rakkomandazzjonijiet u l-Konvenzjonijiet tal-ILO. Madankollu, ir-rispett għall-istandards tax-xogħol ewlenin tal-ILO huwa linja kruċjali li ma għandhiex tinqasam; dan il-prinċipju ma għandux jiddgħajjef mid-differenzjazzjoni. |
4.4 |
Il-komunikazzjoni tgħid li “li se jfeġġu mudelli differenti ta' relazzjonijiet, li jippermettu sens ikbar ta' intitolament miż-żewġ naħat. L-UE lesta tiddiskuti l-possibilità li jiġu ffissati konġuntement il-prijoritajiet tas-sħubija l-ġdida, li jkunu jiffukaw kull relazzjoni b'mod iktar ċar fuq l-interessi komuni identifikati flimkien”. Dan ifisser mhux biss bidla fil-lingwa iżda wkoll l-abbandun ta’ “approċċ pjuttost normattiv” li jiffoka fuq it-traspożizzjoni tal-valuri Ewropej fil-pajjiżi msieħba. |
4.5 |
Il-bidla tal-istrateġija tista’ tkun parzjalment dovuta għal xewqa li titneħħa l-illużjoni li l-popli kollha jridu jadottaw standards demokratiċi tal-UE u huma biss is-sistemi oppressivi li jwaqqfuhom milli jagħmlu dan. Madankollu, il-KESE jirrappreżenta l-pożizzjoni li l-ebda kompromess dwar id-drittijiet universali tal-bniedem u l-valuri demokratiċi ma jista’ jkun previst. |
4.6 |
Huwa veru wkoll li xi pajjiżi msieħba esprimew l-opinjoni li l-PEV kienet preskrittiva wisq u ma kinitx tirrifletti biżżejjed l-ispeċifiċitajiet u l-aspirazzjonijiet tal-pajjiżi msieħba. |
4.7 |
L-approċċ ta’ “aktar għal aktar” ibbażat fuq l-inċentivi wera li kien biss parzjalment effikaċi. Huwa ma ħadimx f’dawk il-pajjiżi fejn l-elit lokali rreżistew it-trasformazzjoni xprunata mill-UE. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ “aktar għal aktar” xi drabi ta l-impressjoni li jeħtieġ li wieħed iħallas sabiex jiġu rrispettati l-valuri tal-UE. Madankollu, l-uniku mod kif jiġi żgurat li l-valuri tal-UE jiġu rrispettati huwa li n-nies u l-komunitajiet jemmnu tabilħaqq fis-sinifikat universali tagħhom u jadottawhom bħala l-valuri tagħhom. Mhuwiex effettiv li jinxtraw il-valuri għall-proġetti. F’dan ir-rigward, il-KESE japprezza d-dikjarazzjoni li “l-UE se tesplora modi iktar effettivi biex tbigħ ir-riformi fundamentali lis-sħab, inkluż permezz ta' impenn mal-atturi ċivili, ekonomiċi u soċjali”. |
4.8 |
Madankollu, anki meta nieħdu f’kunsiderazzjoni l-approċċ differenzjat, aħna ma għandniex inħallu l-prinċipju “aktar għal aktar” isir “aktar għal inqas” għall-fini tal-objettiv fundamentali ġdid tal-istabbilizzazzjoni fil-viċinat. Il-prinċipju tal-kundizzjonalità fl-implimentazzjoni tal-politika “mfassla apposta” fi ħdan il-PEV għandu jiġi żviluppat aktar. |
4.9 |
Għadna rridu naraw jekk l-approċċ ġdid ta’ differenzjazzjoni fil-prattika jfissirx żarmar gradwali tal-PEV u tranżizzjoni bla xkiel lejn approċċ purament bilaterali. |
4.10 |
Għandu jiġi enfasizzat ukoll li s-“sjieda konġunta” ġdida, li tfisser sjieda inqas patronizzanti u aktar ġenwina, flimkien mad-differenzjazzjoni, ma għandhiex twassal għal politika ta’ għażla każwali fejn il-pajjiżi msieħba jistgħu jagħżlu biss dawk il-partijiet tas-sħubija li huma konvenjenti għall-gvernijiet tagħhom. |
4.11 |
Id-divrenzjar ser jaffettwa wkoll il-mod ta’ rappurtar dwar il-progress li jkun sar mill-pajjiżi msieħba. Se jiġi żviluppat stil ġdid ta’ evalwazzjoni li jiffokaw fuq l-objettivi speċifiċi miftiehma mal-imsieħba. Huwa ta’ dispjaċir li l-mod trasparenti attwali biex jitħejjew rapporti ta’ progress, f’format simili għall-pajjiżi kollha fl-istess ħin ser jiġi sostitwit minn serje ta’ rapporti ta’ natura differenti għal pajjiżi differenti, f’formati li għad iridu jiġu determinati. |
5. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata
5.1 |
Il-komunikazzjoni ma tagħtix biżżejjed attenzjoni lir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata jew lid-djalogu soċjali jew ċivili. Hemm biss referenza vaga għall-ħtieġa għal involviment aktar profond mas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, u li “tespandi s-sensibilizzazzjoni lill-membri rilevanti tas-soċjetà ċivili fl-iktar sens wiesa' tal-kelma kif ukoll lis-sħab soċjali”. |
5.2 |
Jeżisti wkoll nuqqas ta’ djalogu ċivili u soċjali kważi fil-pajjiżi kollha, kemm fil-Viċinat tan-Nofsinhar kif ukoll f’dak tal-Lvant, għalkemm hemm ukoll pajjiżi bħat-Tuneżija jew il-Ġeorġja fejn sar progress sostanzjali f’dan ir-rigward. |
5.3 |
Il-komunikazzjoni ma tgħid xejn dwar il-ksur tad-dritt ta’ assoċjazzjoni u tad-dritt li dawk li jħaddmu, il-ħaddiema jew l-NGOs jiġu organizzati liberament fiż-żona tal-PEV, filwaqt li hija nieqsa minn viżjoni ta’ kif dawn jistgħu jiġu pprovduti b’ambjent abilitanti sabiex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fit-tiswir tal-politika, fil-programmazzjoni, fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-politiki tal-awtoritajiet pubbliċi. |
5.4 |
Il-komunikazzjoni tagħmel enfasi fuq ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u fuq it-twassil tal-impenji tal-imsieħba tal-PEV għall-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda ma tagħmel ebda referenza għar-rwol tas-soċjetà ċivili f’dan ir-rigward. |
5.5 |
Il-KESE huwa impenjat li jaħdem mal-organizzazzjonijiet imsieħba tiegħu fil-pajjiżi tal-PEV bl-għan ċar tal-monitoraġġ b’mod konġunt tal-implimentazzjoni tal-PEV u l-osservanza tal-impatt tal-approċċ ġdid ta’ differenzjazzjoni. |
6. Il-migrazzjoni u l-mobbiltà
6.1 |
Għalkemm l-istrateġija tal-UE u l-azzjoni konkreta b’rabta mal-migrazzjoni u l-mobbiltà mhumiex speċifiċi għall-PEV, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi msieħba f’dan ir-rigward hija kruċjali. |
6.2 |
It-tiftix ta’ soluzzjoni għall-kriżi tar-refuġjati li għadha għaddejja għandu jkun parti minn strateġija akbar tal-UE, iżda l-implimentazzjoni effikaċi u effettiva tal-aġenda tal-PEV dwar il-migrazzjoni u l-mobbiltà tista’ tkun ta’ rilevanza kbira għaliha. |
6.3 |
Il-komunikazzjoni ġustament tgħid li “l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-ispustament sfurzat huwa ċentrali għall-istabbilizzazzjoni fil-viċinat.” Madankollu, dan mhuwiex koerenti ħafna mal-approċċ ta’ differenzjazzjoni, li jista’ jfisser attitudni inqas ambizzjuża sabiex jiġi kkundannat il-ksur sistematiku tad-drittijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi minn xi gvernijiet imsieħba, anki jekk dan jibqa’ l-kawża ewlenija tal-instabbiltà. |
6.4 |
Il-KESE jirrimarka wkoll li l-inizjattivi ta’ faċilitazzjoni fil-qasam tal-għoti tal-viża għandhom jiġu vvalutati bħala wieħed mill-aktar strumenti kruċjali fir-rigward tal-interazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi tal-PEV. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-iskemi ta’ faċilitazzjoni fil-qasam tal-għoti tal-viża u jwissi li ż-żarmar taż-Żona Schengen jista’ jpoġġihom f’riskju. |
6.5 |
Il-KESE jappoġġja wkoll id-dikjarazzjoni inkluża fil-komunikazzjoni li “l-UE ser tkompli trawwem narrativa alternattiva realistika u ġusta dwar il-migrazzjoni u tiġġieled b’mod vigoruż kull forma u manifestazzjoni ta’ razziżmu u diskriminazzjoni filwaqt li tippromwovi djalogu interkulturali, diversità kulturali u fehim reċiproku”. |
7. L-iżvilupp ekonomiku għall-istabbilizzazzjoni
7.1 |
Il-KESE jilqa’ l-isforzi sabiex tissaħħaħ il-kompetittività, jiġu appoġġjati l-ekonomiji tal-imsieħba tal-PEV u jittejbu l-prospetti għall-popolazzjoni lokali bħala l-prekundizzjoni għal ambjent stabbli u sikur fil-viċinat tal-UE. Il-pajjiżi ġirien kollha għandhom problemi ekonomiċi; madankollu, huma differenti ħafna fin-natura tagħhom, kemm f’termini tal-kawżi tagħhom kif ukoll l-iskala u l-impatt tagħhom fuq l-istabbiltà. Għalhekk, l-aspett tad-differenzjazzjoni għall-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien huwa mitlub, fost l-oħrajn, mid-differenzi ekonomiċi u soċjali tagħhom. Ir-riformi fl-amministrazzjoni pubblika, fis-sistemi ġudizzjarji u fis-settur tas-sigurtà, kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, huma oqsma ta’ prijorità għal aktar kooperazzjoni. Il-progress f’dawn l-oqsma kollha huwa kruċjali għall-istabilità, iżda huwa neċessarju wkoll ambjent stabbli u sigur biex jinkiseb suċċess. |
7.2 |
Il-KESE japprezza l-inklużjoni tal-ħtieġa li jiġu implimentati b’mod sħiħ u effettiv il-ftehimiet ta’ AA/DCFTA li diġà ġew iffirmati, flimkien mar-riformi fil-pajjiżi tal-PEV. Madankollu, sabiex ikunu jistgħu jibbenifikaw mid-DCFTA, il-pajjiżi msieħba jridu jgħaddu minn proċess diffiċli ta’ modernizzazzjoni essenzjali tal-produzzjoni u tas-servizzi. Il-Komunikazzjoni hija ċara f’dan ir-rigward u tiddikjara l-appoġġ tal-UE fil-bini tal-kapaċità sabiex jintlaħqu l-isfidi tad-DCFTA. |
7.3 |
L-għan tal-kummerċ ħieles komplet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-PEV, li jistinkaw għal kooperazzjoni aktar mill-qrib, ma għandux jiġi abbandunat. Il-possibbiltà ta’ aċċess għas-suq tal-UE timmotiva lill-pajjiżi ġirien sabiex isegwu r-riformi ekonomiċi u jimmodernizzaw il-produzzjoni u n-negozji. Madankollu, anki l-pajjiżi firmatarji tad-DCFTA għandhom diffikultajiet biex jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom minħabba s-sitwazzjoni politika u ekonomika instabbli, li ma tħeġġiġx l-investiment. L-aċċess għall-UE u għal swieq internazzjonali oħrajn huwa direttament relatat mal-kwistjonijiet tal-impjiegi u l-prospetti taż-żgħażagħ li jiġu integrati fis-suq tax-xogħol. Il-konsolidazzjoni tal-oligarkiji u l-korruzzjoni jostakolaw ir-riformi ekonomiċi. L-UE għandha tapplika aktar pressjoni u tuża l-mezzi kollha possibbli sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni bil-għan li jkun possibbli li jiġi attirat investiment kapitali fil-pajjiżi li jirrappreżentaw ambjent ekonomiku sod. |
7.4 |
Huwa ċar ukoll li l-implimentazzjoni tad-DCFTA ser timplika sfidi soċjali kbar. Għalhekk, l-involviment tal-partijiet interessati kollha fil-proċess, speċjalment l-imsieħba soċjali, huwa ta’ importanza kruċjali. Gruppi konsultattivi domestiċi u pjattaformi tas-soċjetà ċivili jista’ jkollhom rwol pożittiv f’dan ir-rigward u għandhom jiġu inklużi fl-aspetti kollha ta’ implimentazzjoni tad-DCFTA. |
7.5 |
Il-KESE għandu l-pjaċir jinnota li l-Kummissjoni ġenwinament tagħti attenzjoni xierqa lill-kwistjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ professjonali (speċjalment għaż-żgħażagħ). Huwa probabbli li jkun hemm appoġġ akbar għas-sistemi tal-edukazzjoni primarja u sekondarja fil-pajjiżi fejn dan huwa l-aktar meħtieġ u ser ikun hemm possibbiltà akbar għall-pajjiżi fil-viċinat sabiex jipparteċipaw f’Erasmus + f’termini tal-iskala u l-finanzjament; ser jintużaw ukoll miżuri oħrajn għall-iżvilupp tal-ħiliet taż-żgħażagħ – sabiex b’hekk l-aċċess għas-suq tax-xogħol isir ħafna aktar faċli. |
7.6 |
L-iżvilupp tal-konnessjonijiet tat-trasport mal-pajjiżi fil-viċinat jista’ jikkontribwixxi aktar għat-tisħiħ tal-ekonomiji tagħhom. Id-dispożizzjoni li l-UE għandha testendi n-netwerks trans-Ewropej ewlenin fil-pajjiżi msieħba tal-Lvant u, flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u msieħba oħrajn, tippromwovi l-investiment kif ukoll tiżviluppa pjanijiet ta’ riferiment ta’ netwerks tat-trasport Ewro-Mediterranji, għandha tintlaqa’ tajjeb. Dawn il-pjani huma importanti ħafna wkoll għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għandhom ikunu involuti b’mod attiv fl-implimentazzjoni tagħhom. |
7.7 |
L-UE hija dipendenti fuq il-pajjiżi ġirien f’termini tal-provvista tal-enerġija. Għalhekk, il-proġetti tal-enerġija konġunti huma importanti u neċessarji b’mod reċiproku għaż-żewġ partijiet. Il-kwistjonijiet tal-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-proġetti fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli huma partikolarment rilevanti. Il-komunikazzjoni konġunta ġustament tenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu d-djalogu tal-UE dwar l-enerġija mal-pajjiżi tal-viċinat fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija, ir-riformi fis-suq tal-enerġija u l-promozzjoni tal-enerġija sostenibbli bil-għan li tinbena Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika klimatika ambizzjuża fil-qalba tagħha. |
7.8 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni li “l-agrikoltura hija sors ewlieni ta’ impjiegi f’ħafna pajjiżi msieħba u l-UE għandha tkompli tappoġġja politiki sostenibbli u inklużivi u investiment fil-modernizzazzjoni tas-settur, u d-diversifikazzjoni lejn attivitajiet oħra ta’ introjtu f’żoni rurali fejn meħtieġ”. Madankollu, għandu jkun enfasizzat li l-armonizzazzjoni fil-qasam tal-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel, bħala konsegwenza tal-implimentazzjoni tad-DCFTA, m’għandhiex twassal għal kwalità aktar baxxa ta’ prodotti agrikoli jew tnaqqis tal-istandards tax-xogħol. |
8. Id-dimensjoni tas-sigurtà
8.1 |
Il-KESE jilqa’ l-enfasi qawwija fuq id-dimensjoni tas-sigurtà fil-Komunikazzjoni Konġunta. It-tisħiħ tar-reżiljenza tal-imsieħba għal theddidiet esterni u interni, kif ukoll il-promozzjoni tal-modernizzazzjoni għall-istabbiltà ekonomika u soċjali fit-tul, huwa ta’ importanza fundamentali. |
8.2 |
Il-KESE jappoġġja l-prijoritajiet elenkati taħt is-sigurtà tal-PEV, billi jagħti importanza fundamentali lill-ġlieda kontra t-terroriżmu, lill-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-kriminalità organizzata, lill-isfaxxar tal-korruzzjoni u lill-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. Dawn il-prijoritajiet jistgħu jiġu enfasizzati bħala li jikkostitwixxu l-kompitu ewlieni li tiżdied is-sigurtà kemm fil-PEV kif ukoll fl-UE nnifisha. |
8.3 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li mhux biss l-organizzazzjonijiet terroristiċi jew kriminali jirrappreżentaw theddida għall-istabbiltà tal-pajjiżi tal-PEV, iżda anki ċerti gvernijiet li jiksru l-liġi internazzjonali u jipprovokaw il-kunflitti u l-kriżijiet fir-reġjun tal-PEV. |
8.4 |
Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva li tingħata spinta ġdida lill-kooperazzjoni fuq materji relatati mal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), billi jagħmel referenza partikolari għall-possibbiltà li jintużaw il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u, meta jkunu meħtieġa, l-hekk imsejħa EU Battlegroups, fl-implimentazzjoni prattika tal-interessi tas-sigurtà u tar-responsabbiltà komuni. Madankollu, l-istrumenti tal-PSDK u l-isforzi diplomatiċi għandhom jintużaw mhux biss bħala reazzjoni għall-kriżi, iżda wkoll bħala għodda politika għall-prevenzjoni tal-kriżi. L-UE għandha tenfasizza l-ħtieġa għal involviment akbar fil-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni diplomatika bejn il-pajjiżi potenzjalment konfliġġenti jew l-atturi mhux governattivi. |
9. Id-dimensjoni reġjonali
9.1 |
Il-KESE jilqa’ l-pożizzjoni tal-Komunikazzjoni Konġunta li tippreserva l-formati tal-kooperazzjoni reġjonali prinċipali eżistenti – it-tisħiħ tal-programm ta’ Sħubija tal-Lvant u l-kooperazzjoni reġjonali fil-Viċinat tan-Nofsinhar. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, fl-oqfsa reġjonali eżistenti, matul dawn l-aħħar snin komplew jevolvu diskrepanzi u diversitajiet sinifikanti. Jista’ jkun inkoraġġanti li tiġi proposta distinzjoni aktar ċara bejn l-imsieħba tal-PEV, bejn dawk li diġà kisbu livell ogħla ta’ integrazzjoni mal-UE (permezz ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u oqsma ta’ kummerċ ħieles profondi u komprensivi – AA/DCFTA) jew li għandhom il-ħsieb li jagħmlu dan, u l-bqija tal-pajjiżi. |
9.2 |
Għadu mhuwiex ċar kif il-PEV il-ġdida ser tippromwovi aktar kooperazzjoni mill-qrib ma’ dawk il-pajjiżi msieħba li qegħdin jiksbu suċċess fl-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA u li għandhom aspirazzjonijiet Ewropej. Il-KESE jtenni l-opinjoni tiegħu li għandha tiġi offruta perspettiva Ewropea ċara tal-adeżjoni lil xi wħud mill-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant. Din għandha timmobilizza u timmotiva mhux biss lill-gvernijiet tagħhom fl-isforzi sabiex jittrasformaw il-pajjiżi tagħhom u jallinjaw il-leġiżlazzjoni tagħhom mal-acquis communautaire, iżda wkoll tħeġġeġ lis-soċjetà ċivili organizzata sabiex tikkontribwixxi għal dawn l-isforzi. Din għandha wkoll tqarreb l-identità u l-valuri Ewropej lejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi msieħba. |
9.3 |
Il-KESE jappoġġja l-idea ta’ oqfsa tematiċi, li għandhom jippromwovu l-moviment ġenerali lejn aktar inizjattivi u proġetti mfassla apposta għall-partijiet interessati mill-Viċinat tan-Nofsinhar u mill-Viċinat tal-Lvant. Madankollu, l-idea proposta tidher li hija wisq vaga u nieqsa minn għan ċar. Il-fora għad-diskussjonijiet dwar tali kwistjonijiet bħall-migrazzjoni, l-enerġija u s-sigurtà huma l-ewwel pass lejn kooperazzjoni aktar profonda fuq l-isfidi msemmija qabel. L-UE għandha tkun aktar ċara dwar l-eżiti speċifiċi li trid tikseb bl-użu ta’ dawn l-oqfsa tematiċi. |
9.4 |
Għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-fatt li xi ġirien tal-ġirien (b’mod partikolari r-Russja) kienu mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-PEV, iżda qatt ma ħadu din l-opportunità. Għalhekk, il-pjattaformi tematiċi għandhom jintużaw esklussivament għal għanijiet speċifiċi orjentati lejn l-iskop tagħhom u mhux sabiex jiġu pprovduti opportunitajiet għall-atturi terzi sabiex jippromwovu l-għanijiet tagħhom għad-detriment tal-prinċipji tal-PEV. Il-format tal-kooperazzjoni mal- “ġirien tal-ġirien”, kif deskritt fil-Komunikazzjoni, mhuwiex definit sew, għaldaqstant, kwalunkwe każ ta’ tali kooperazzjoni għandu jiġi sorveljat mill-qrib sabiex ikun żgurat li ma jiġix abbużat minn parti terza biex jiġi ppreġudikat l-interess tal-pajjiżi msieħba, tal-UE jew tal-PEV innifisha. L-involviment u l-kooperazzjoni ma’ atturi oħrajn ’lil hinn mill-viċinat (jew ġirien tal-ġirien) għandhom ikunu bbażati fuq deċiżjoni sovrana u ta’ rieda tajba tal-imsieħba tal-PEV li jinkludu atturi ġodda fil-kooperazzjoni tagħhom mal-UE. |
10. Il-flessibbiltà tal-istrumenti finanzjarji
10.1 |
Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva li “tibni fuq il-finanzjament addizzjonali konsiderevoli billi tkabbar iżjed il-kooperazzjoni tagħha ma’ istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali kbar u permezz tal-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat (FIV)” u r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE fl-2017. Għandu jiġi enfasizzat b’mod ċar li l-ħtiġijiet u l-isfidi akbar fil-viċinat tal-UE jirrikjedu mhux biss ridistribuzzjoni aktar effettiva tas-somma allinjata ta’ EUR 15-il biljun permezz tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (SEV) matul il-perjodu 2014-2020, iżda wkoll riżorsi addizzjonali sostanzjali. |
10.2 |
Il-KESE jappoġġja l-proposti sabiex tintuża “riżerva ta’ flessibbiltà” fi ħdan l-SEV għall-allokazzjoni urġenti ta’ riżorsi għall-ħtiġijiet mhux previsti u għall-adattament tar-regolamenti finanzjarji, biex b’hekk il-fondi li ma jintużawx ikunu jistgħu jiġu riportati għas-sena ta’ wara. |
10.3 |
Madankollu, aħna naħsbu li l-PEV għandha tiffoka primarjament fuq it-titjib tal-istrumenti finanzjarji eżistenti minflok fuq l-enfasi ta’ strutturi finanzjarji jew “Fondi fiduċjarji” ġodda. Kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi msieħba għandha tirriżulta fi trasparenza akbar tal-infiq u tal-kontabbiltà. Din tinkludi l-ħila li dawn jirreaġixxu aktar malajr għas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà li qiegħda tinbidel fil-prattika, b’ridirezzjonar tal-fondi, fejn ikun meħtieġ. L-UE għandha tadotta wkoll approċċ ċar f’każijiet fejn l-imsieħba ma jagħżlux integrazzjoni aktar mill-qrib, li jwassal għall-ħolqien ta’ inċentivi għar-rispett għall-valuri fundamentali u aktar riformi ewlenin. |
10.4 |
L-UE u l-Istati Membri għandhom jesploraw l-opportunitajiet li jespandu l-programmazzjoni konġunta fil-PEV. It-trasparenza mtejba tal-programmazzjoni u r-rappurtar fuq ir-riżultati għandhom jitpoġġew disponibbli għall-Istati Membri u għal partijiet interessati oħrajn. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jaqdu rwol importanti f’dan ir-rigward. |
11. Il-viżibbiltà, il-komunikazzjoni u l-ħidma ta’ kuntatt
11.1 |
Il-KESE jilqa’ d-determinazzjoni sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-politiki tal-UE u tiġi promossa komunikazzjoni aktar effettiva tal-PEV il-ġdida. Il-Komunikazzjoni ġustament tindika li diplomazija pubblika mtejba ser tikkontribwixxi biex tispjega aħjar ir-raġuni fundamentali tal-politiki tal-UE u l-impatt pożittiv tal-azzjonijiet konkreti tal-UE. Huwa importanti wkoll li ma jiġix injorat id-dannu li jirriżulta mill-informazzjoni ħażina, mid-diżinformazzjoni u mill-propaganda, li huma f’kunflitt mal-valuri tal-UE u mal-prinċipji tal-PEV. |
11.2 |
L-UE għandha ssib strumenti u sorsi xierqa sabiex tittratta l-isfidi tal-komunikazzjoni fil-pajjiżi msieħba tal-PEV u ġewwa l-UE. It-Task Force Stratcom tal-Lvant tal-UE, li ġiet stabbilita mis-SEAE, hija biss l-ewwel pass sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini tal-UE u tal-pajjiżi tal-PEV dwar id-diskorsi ostili u ta’ tfixkil fil-komunikazzjoni pubblika. Is-SEAE ma għandux iwarrab mill-impenji li jkompli jsaħħaħ il-komunikazzjoni strateġika tal-UE ħafna aktar. |
11.3 |
L-isfidi tal-migrazzjoni kemm fir-reġjun tal-PEV kif ukoll ġewwa l-UE għandhom jingħataw l-ogħla prijorità f’termini tal-komunikazzjoni strateġika u d-diplomazija pubblika. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jirrikonoxxu li l-komunikazzjoni ħażina dwar il-politika tal-migrazzjoni u r-refuġjati tista’ tagħmel ħafna ħsara lill-koerenza tal-Istati Membri, lill-fiduċja tal-imsieħba tal-PEV u saħansitra lill-istabbiltà tal-UE. |
Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Opinjoni tal-KESE dwar id-Dokument ta’ Konsultazzjoni Konġunta Lejn politika Ewropea tal-viċinat ġdida, ĠU C 383, 17.11.2015, p. 91.
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/147 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 258/2014 dwar l-istabbiliment ta’ Programm tal-Unjoni għas-sostenn ta' attivitajiet speċifiċi fil-qasam tar-rappurtar u l-awditjar għall-perjodu 2014-2020”
[COM(2016) 202 final – 2016/0110 (COD)]
(2016/C 303/21)
Nhar it-28 ta’ April 2016 u nhar id-29 ta’ April 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 258/2014 dwar l-istabbiliment ta’ Programm tal-Unjoni għas-sostenn ta’ attivitajiet speċifiċi fil-qasam tar-rappurtar u l-awditjar għall-perjodu 2014-2020”
[COM(2016) 202 final – 2016/0110 (COD)].
Billi l-Kumitat diġà ta fehmtu dwar il-kontenut ta’ din il-proposta fl-opinjoni tiegħu CES 1031/2013 – 2012/0364 (COD), adottata nhar l-20 ta’ Marzu 2013 (1), iddeċieda, matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu tal-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju 2016), b’154 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet, li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokument imsemmi.
Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) ĠU C 161, 6.6.2013, p. 64.
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/148 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jiffissa r-rata ta’ aġġustament prevista fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1306/2013 għall-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2016”
(COM(2016) 159 final — 2016/0086 (COD))
(2016/C 303/22)
Nhar il-11 ta’ April 2016, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jiffissa r-rata ta’ aġġustament prevista fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1306/2013 għall-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2016”
[COM(2016) 159 final – 2016/0086 COD].
Billi l-Kumitat diġà ta fehemtu dwar il-kontenut ta’ din il-proposta fl-Opinjonijiet tiegħu CES2942-2013_00_00_TRA_AC, adottata fit-22 ta’ Mejju 2013 (*); EESC-2014-02897-00-00-AC, adottata fil-5 ta’ Ġunju 2014 (**); u EESC-2015-02052-00-00-AC-TRA, adottata fit-22 ta’ April 2015 (***), iddeċieda, matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu tal-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju), b’161 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet, li ma jfassalx Opinjoni ġdida dwar il-kwistjoni, iżda li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokumenti msemmija.
Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(*) Opinjoni tal-KESE NAT/602 dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għal pagamenti diretti stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2013”, ĠU C 271, 19.9.2013, p.143.
(**) Opinjoni tal-KESE NAT/646 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar “l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 għas-sena kalendarja tal-2014”, ĠU C 424, 26.11.2014, p. 73.
(***) Opinjoni tal-KESE NAT/668 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar “l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għal pagamenti diretti stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1306/2013 fir-rigward tas-sena kalendarja 2015”, ĠU C 291, 4.9.2015, p. 60.