ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 301A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
19 ta' Awwissu 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Parlament Ewropew

2016/C 301 A/01

Avviż ta’ Reklutaġġ Pe/196/S — Direttur — (Grupp ta’ Funzjonijiet AD, Grad 14) — Direttorat Generali għat-Traduzzjoni — Direttorat għas-Sostenn u s-Servizzi Teknoloġiċi għat-Traduzzjoni

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Parlament Ewropew

19.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 301/1


AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/196/S

DIRETTUR

(Grupp ta’ Funzjonijiet AD, Grad 14)

DIRETTORAT GENERALI GĦAT-TRADUZZJONI — DIRETTORAT GĦAS-SOSTENN U S-SERVIZZI TEKNOLOĠIĊI GĦAT-TRADUZZJONI

(2016/C 301 A/01)

 

1.   Pożizzjoni battala

Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi l-proċedura biex timtela din il-pożizzjoni battala ta’ direttur  (*) (AD, grad 14) fid-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni – Direttorat għas-Sostenn u s-Servizzi Teknoloġiċi għat-Traduzzjoni, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal”).

Din il-proċedura ta’ selezzjoni, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta’ kandidati, se tiżvolġi b’mod parallel mal-proċedura interna u interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.

Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD14 (2). Is-salarju bażiku huwa ta’ EUR 13 641,95 fix-xahar. Ma’ dan is-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa tal-Unjoni u eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances skont il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidati għandhom jieħdu nota li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regolament dwar il-politika tal-mobilità, li ġie adottat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fid-29 ta’ Marzu 2004.

Dan l-impjieg jitlob disponibilità kif ukoll kuntatt frekwenti ma’ nies fil-Parlament u barra minnu, b’mod partikolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Id-direttur se jkun mitlub iwettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew u barra minnhom.

2.   Post tax-xogħol

Il-Lussemburgu. Dan l-impjieg huwa soġġett għal trasferiment f’xi wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

3.   Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

4.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Uffiċjal ta’ livell għoli, id-direttur, kif imfisser fil-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mid-Direttur Ġenerali, għandu l-kompiti li ġejjin (3):

jiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew li jinkludi diversi unitajiet li jkopru l-oqsma ta’ kompetenza tad-Direttorat,

imexxi, jistimula, jimmotiva u jikkoordina timijiet ta’ aġenti; jaħdem biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tad-dipartiment filwaqt li jiżgura servizz ta’ kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni, eċċ.) fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jippjana l-attivitajiet tad-Direttorat (definizzjoni tal-objettivi u l-istrateġiji); jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jilħaq l-objettivi stabbiliti; jivvaluta s-servizzi pprovduti bl-iskop li jiggarantixxi l-kwalità tagħhom,

jagħti pariri lid-Direttur Ġenerali, lis-Segretarjat Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jikkoopera mad-direttorati differenti tas-Segretarjat Ġenerali, jirrappreżenta lill-istituzzjoni u jinnegozja kuntratti jew ftehimiet fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jiġġestixxi u jwassal fi tmiemhom il-proġetti speċifiċi li jistgħu jinvolvu responsabilitajiet finanzjarji,

iwettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

5.   Rekwiżiti ta’ eleġibilità

Din il-proċedura ta’ selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet:

(a)    Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari jeħtieġ li l-kandidati:

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet ta’ reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari,

joffru l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)    Rekwiżiti speċifiċi

(i)   Kwalifiki, diplomi u esperjenza professjonali meħtieġa

Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċertifikati b’diploma flimkien ma’ esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-anqas sena (4) meta l-perjodu normali tal-istudji universitarji jkun għall-anqas ta’ tliet snin.

Esperjenza professjonali, ta’ mill-anqas tnax-il sena, miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq, fosthom mill-anqas sitt snin ta’ esperjenza maniġerjali.

(ii)   Għarfien meħtieġ

Għarfien kulturali ġenerali eċċellenti tal-affarijiet Ewropej,

fehim eċċellenti ta’ kwistjonijiet politiċi interni, nazzjonali u internazzjonali,

għarfien eċċellenti tat-Trattati,

fehim tajjeb ħafna tal-kulturi differenti rappreżentati fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej,

għarfien eċċellenti tal-istruttura tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, kif ukoll tal-organizzazzjoni, l-ambjent u l-parteċipanti differenti tiegħu,

għarfien eċċellenti tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, tal-proċeduri leġiżlattivi u tar-regoli u l-prattiki interni,

għarfien eċċellenti tal-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-interpretazzjoni tagħhom u tar-regoli derivati minnhom,

għarfien eċċellenti tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u r-regoli ta’ applikazzjoni tagħhom u tar-regoli interni u testi oħra subordinati tal-Parlament Ewropew,

għarfien amministrattiv tajjeb ħafna (aspetti b’rabta mar-riżorsi umani, il-ġestjoni, il-baġit, il-finanzi, l-informatika, l-aspetti ġuridiċi, eċċ.),

għarfien eċċellenti tat-tekniki maniġerjali.

(iii)   Għarfien lingwistiku

Il-pożizzjoni tirrikjedi għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5), kif ukoll għarfien tajjeb ħafna ta’ mill-anqas waħda oħra minn dawn il-lingwi.

Il-Kumitat Konsultattiv iqis ukoll l-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

(iv)   Kapaċitajiet meħtieġa

Sens ta’ strateġija,

kapaċità maniġerjali,

kapaċità ta’ ppjanar bil-quddiem,

kapaċità ta’ reazzjoni għall-avvenimenti,

approċċ metikoluż,

kapaċità ta’ komunikazzjoni.

6.   Proċedura ta’ selezzjoni

Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-ħatra ta’ uffiċjali għolja se jistabbilixxi l-lista ta’ kandidati u jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta’ dawn il-persuni, filwaqt li l-Kumitat jagħmel l-intervisti u jissottometti r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F’dan il-qafas, il-Bureau jkun jista’ jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.

7.   Tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija

l-31 ta’ Awwissu 2016, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta’ e-Mail biss, fil-format pdf, ittra ta’ motivazzjoni (à l’attention de Monsieur le Secrétaire général du Parlement européen, avis de recrutement numéro PE/196/S) u curriculum vitae fil-format tal-Europass (6), b’indikazzjoni tar-referenza tal-avviż (PE/196/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:

EP-SENIOR-MANAGEMENT@ep.europa.eu

u jitqiesu bħala prova d-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-e-Mail.

Il-kandidati għandhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista għandhom jieħdu nota li jridu jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji jew fotokopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom, kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attività li jeżerċitaw attwalment  (7) . L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jingħata lura lill-kandidati.

Id-data ta’ natura personali li jibagħtu l-kandidati, fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni, se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).


(*)  Kull referenza f’dan l-avviż għal persuna tas-sess maskil tinkludi wkoll persuna tas-sess femminil, u viċeversa.

(1)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u reċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(2)  Meta jiġi reklutat, l-uffiċjal jingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(3)  Għall-kompiti ewlenin, ara l-Anness.

(4)  Din is-sena ta’ esperjenza professjonali mhux se titqies għall-valutazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-punt li jmiss.

(5)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma dawn li ġejjin: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, il-Kroat, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(6)  http://europass.cedefop.europa.eu/

(7)  Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet.

(8)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


ANNESS

DIRETTORAT ĠENERALI GĦAT-TRADUZZJONI

DIRETTORAT GĦAS-SOSTENN U S-SERVIZZI TEKNOLOĠIĊI GĦAT-TRADUZZJONI

DMIRIJIET PRINĊIPALI

(Dipartiment magħmul minn 80 aġent, 30 AD, 49 AST u 1 AST/SC fid-data tal-pubblikazzjoni)

Jiżgura d-direzzjoni, il-koordinament u t-tmexxija tal-unitajiet u s-servizzi tad-Direttorat;

Jiżgura l-ġestjoni tal-proġetti;

Jiżgura l-funzjonijiet ta’ “Business Analyst” u ta’ “Business Designer” tad-DĠ TRAD;

Jordna, jiġġestixxi u jqassam xogħlijiet (f’forma stampata, elettronika u online) maħsuba għas-servizzi tat-traduzzjoni;

Jistabbilixxi, f’kollaborazzjoni mal-Unità tal-Iżvilupp tal-Applikazzjonijiet u tas-Sistemi Informatiċi, il-pjan informatiku tad-DĠ TRAD;

Imexxi l-COCOM (Kumitat ta’ Koordinament tal-IT DĠ TRAD – DĠ ITEC);

Jirrappreżenta d-Direttorat jew l-istituzzjoni f’diversi kumitati u organi;

Iwettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

UNITÀ TAL-IŻVILUPP TAL-APPLIKAZZJONIJIET U TAS-SISTEMI INFORMATIĊI

Din l-unità hija magħmula minn żewġ servizzi: is-servizz tal-“Applikazzjonijiet għall-Monitoraġġ tal-Produzzjoni” u s-servizz tal-“Għodda CAT u għall-Kollaborazzjoni”. Id-dmirijiet prinċipali tal-unità huma li:

Tiżgura l-ġestjoni tal-proġetti informatiċi, fosthom proġetti deċentralizzati, skont metodoloġiji approvati;

Tiżgura l-ġestjoni tat-talbiet ta’ modifika ta’ prodotti eżistenti b’mod sistematiku u komplut sabiex jinkiseb ambjent ta’ applikazzjonijiet koerenti u integrati;

Tgħin lid-DĠ TRAD u lid-DĠ ITEC fil-fehim u l-analiżi tal-proċessi operattivi fid-DĠ TRAD mil-lat funzjonali u tekniku, u tipproponi l-istrateġija għall-ambjent informatiku futur;

Tiżgura s-segwitu tas-swieq tat-teknoloġija tat-traduzzjoni u tipparteċipa fil-kooperazzjoni teknika interistituzzjonali sabiex tiżgura li d-DĠ TRAD ikollu l-aħjar għodod disponibbli;

Tirrappreżenta lid-DĠ TRAD fil-korpi interni jew interistituzzjonali kollha marbuta mal-mandat tiegħu;

Tistabbilixxi, f’kollaborazzjoni mal-“Business Analyst”, il-pjan informatiku tad-DĠ TRAD.

UNITÀ TAT-TRADUZZJONI ESTERNA

Din l-unità hija magħmula minn żewġ servizzi: is-servizz ta’ “Kollokament” u s-servizz tal-“Eżekuzzjoni tal-Kuntratti”. Id-dmirijiet prinċipali tal-unità huma li:

Tiġġestixxi t-talbiet ta’ traduzzjoni assenjati esternament permezz tal-użu tal-applikazzjoni FLUID;

Tivverifika l-eżekuzzjoni tal-kuntratti, inkluża l-ġestjoni tal-kontrolli tal-kwalità;

Twettaq il-funzjonijiet ta’ “iċċertifikat(a) korrett(a)” u ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega;

Tipparteċipa fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku billi tipprepara l-speċifikazzjonijiet speċjali fil-qasam tat-traduzzjoni esterna;

Tipparteċipa fit-twettiq ta’ studji fil-qasam tal-iżviluppi fl-informatika marbuta mal-applikazzjonijiet speċifiċi tal-unità.

UNITÀ TAL-PRETRADUZZJONI EURAMIS

Tiżgura s-segwitu tal-pretrattament awtomatiku tat-talbiet ta’ traduzzjoni bl-applikazzjoni SPA;

Issostni l-ħidma tal-pretraduzzjoni u l-posttraduzzjoni fid-Direttorat Ġenerali; tiżgura l-kooperazzjoni bejn is-servizzi u bejn l-istituzzjonijiet;

Tiżgura l-verifika tenika tal-oriġinali;

Tiżgura t-tidħil u ż-żamma tal-memorji komuni tat-traduzzjoni fil-bażi Euramis;

Tiffaċilita u tittestja l-għodod informatiċi tat-traduzzjoni f’kollaborazzjoni mal-Unità DAS;

Tgħin lill-utenti billi tipprovdi servizz ta’ assistenza (Help Desk);

Torganizza taħriġ u laqgħat ta’ informazzjoni fid-Direttorat Ġenerali għall-utenti tal-Euramis.

UNITÀ TAL-KOORDINAMENT TAT-TERMINOLOĠIJA

Tiżgura l-koordinament tal-ħidma fil-IATE (ġestjoni tal-utenti, helpdesk, aġġornament, kooperazzjoni mat-terminologi tal-unitajiet tat-traduzzjoni, in-Netwerk tat-Terminoloġija), tiġġestixxi proġetti terminoloġiċi (TermFolders, proġetti għat-trainees, proġetti ta’ terminoloġija mal-universitajiet, eċċ.);

Tqiegħed għad-dispożizzjoni tat-tradutturi u tat-terminologi għodod u materjal terminoloġiċi (Terminology Macro, Glossary Search Tool, Documentary Search Tool, Term Extraction, EP Establishment Plan, gwidi dwar il-IATE), tittestja l-funzjonalitajiet tat-terminoloġija fi Studio (Working Group on Terminology for Studio);

Tikkoopera mal-istituzzjonijiet l-oħra (IATE Management Group, IATE Handbook Task Force, Data Clean-up Task Force, IATE 2 Task Force, IATE-Studio Integration Task Force, ELISE Management Group, Terminology Coordination Services);

Tiżviluppa u żżomm aġġornat EurTerm, il-portal terminoloġiku interistituzzjonali, għall-IATE Management Group, kif ukoll il-wikis skont il-lingwa;

Torganizza seminars, taħriġ u workshops b’rabta mal-IATE u suġġetti terminoloġiċi.