ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 228

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
24 ta' Ġunju 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 228/01

Rata tal-kambju tal-euro

1


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 228/02

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8080 — Maxburg II/VREP/Norafin) ( 1 )

2

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 228/03

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

3

2016/C 228/04

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

8


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

24.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/1


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-23 ta’ Ġunju 2016

(2016/C 228/01)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1389

JPY

Yen Ġappuniż

120,38

DKK

Krona Daniża

7,4396

GBP

Lira Sterlina

0,76595

SEK

Krona Żvediża

9,3030

CHF

Frank Żvizzeru

1,0876

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,2993

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,062

HUF

Forint Ungeriż

314,28

PLN

Zloty Pollakk

4,3571

RON

Leu Rumen

4,5114

TRY

Lira Turka

3,2692

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5060

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4517

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,8351

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5763

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5252

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 304,47

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

16,4651

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,4935

HRK

Kuna Kroata

7,5210

IDR

Rupiah Indoneżjan

14 961,77

MYR

Ringgit Malażjan

4,5469

PHP

Peso Filippin

52,879

RUB

Rouble Russu

72,9548

THB

Baht Tajlandiż

40,101

BRL

Real Brażiljan

3,8172

MXN

Peso Messikan

20,8305

INR

Rupi Indjan

76,6510


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

24.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/2


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8080 — Maxburg II/VREP/Norafin)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 228/02)

1.

Fis-16 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriżi Maxburg Beteiligungen II GmbH & Co. KG (“Maxburg II”, il-Ġermanja), li tappartjeni lill-grupp RAG-Stiftung (“RAG”, il-Ġermanja), u VR Equitypartner GmbH (“VREP”, il-Ġermanja), li tappartjeni lill-grupp DZ Bank AG (“il-grupp DZ Bank”, il-Ġermanja), jakkwistaw fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll tal-impriża Norafin Verwaltungs GmbH kollha kemm hi fosthom is-sussidjarji operattivi tagħha (“Norafin”, il-Ġermanja), permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal Maxburg II: kumpanija ta’ ekwità privata li tinvesti primarjament f’kumpaniji ta’ daqs medju fil-pajjiżi fejn huwa mitkellem il-Ġermaniż. Maxburg II tappartjeni lil RAG, li essenzjalment huwa attiv fl-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri, il-kimika u n-negozji tal-proprjetà immobbli. RAG huwa l-azzjonist prinċipali ta’ Evonik Industries AG (il-Ġermanja) li tipproduċi u tbigħ speċjalitajiet kimiċi u materjali b’kapaċitajiet għolja,

—   għal VREP: kumpanija ta’ ekwità privata li tinvesti primarjament f’interessi f’kumpaniji ta’ daqs medju fil-pajjiżi fejn huwa mitkellem il-Ġermaniż. VREP tappartjeni lill-grupp DZ Bank li jservi bħala bank ċentrali għall-azzjonisti tagħha (banek kooperattivi) iżda huwa attiv ukoll bħala bank korporattiv,

—   għal Norafin: l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ drappijiet maħdumin, drappijiet mhux minsuġa ta’ speċjalità u u kompożiti.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta’ referenza M.8080 — Maxburg II/VREP/Norafin, f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

24.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/3


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 228/03)

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (1).

DOKUMENT UNIKU

“POULARDE DU PÉRIGORD”

Nru tal-UE: FR-PGI-0005-01373 — 24.9.2015

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Poularde du Périgord”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.1. Laħam (u ġewwieni) frisk

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Poularde du Périgord” hija tiġieġa smina safra ta’ razza li tikber bil-mod tat-tip bl-għonq għeri.

Imrobbija għal mill-inqas 120 jum, il-“Poularde du Périgord” hija tiġieġa smina żgħira fl-età. Hija tip ta’ tajra smina għal ikliet kbar b’massa muskolari żviluppata u mlaħħma sew fuq għadam irqiq. Taħt il-ġilda fina ħafna, ta’ lewn safrani jgħajjat u konsistenti, jidher saff ta’ tismin notevoli sew. Il-massa muskolari fl-intier tagħha turi stat ta’ tismin intramuskolari “imraħħam”.

Tista’ titqiegħed fis-suq bħala karkassa jew imqatta’ biċċiet, friska jew iffriżata. Tista’ tiġi ppakkjata f’film tal-plastik, f’vakwu jew f’atmosfera protettiva.

Il-karkassi tal-“Poularde du Périgord” jitqiegħdu fis-suq bħala:

karkassi mqatta’ (tajra mnittfa, bl-imsaren imneħħija, bir-ras, is-saqajn u l-ġewwieni),

karkassi “lesti biex jissajru” (tajra mnittfa, bl-imsaren imneħħija, bla ras, b’tarsu jew mingħajr),

karkassi “métifet” jew “méti-fait” (tajra mnittfa, bl-imsaren imneħħija, b’tarsu jew mingħajr, u bir-ras mitnija taħt il-ġewnaħ).

Il-karkassi jiżnu mill-inqas 1,7 kg lesti bies jissajru jew 2 kg bl-imsaren imneħħija.

Tingħata attenzjoni kbira lill-kwalità tal-preżentazzjoni tal-karkassi sħaħ u li ma jkun jidher ebda difett fihom.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Matul it-trobbija kollha, l-għalf mitmugħ jikkonsisti biss fi ħxejjex, minerali u vitamini.

Fost il-ħxejjex, fit-taħlita dejjem għandu jkun hemm:

ammont ta’ qamħirrum li jvarja skont l-età;

mill-inqas tip ieħor ta’ ċereali, speċjalment qamħ, xgħir, tritikal, qaraboċċ, ħafur;

prodotti tar-raba’ li fihom il-proteini sabiex jintlaħaq ekwilibriju fil-porzjon.

Matul il-perjodu tat-trobbija, trid issir distinzjoni bejn l-erba’ fażijiet li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet fiżjoloġiċi differenti li huma marbutin mal-ammonti ta’ ċereali differenti:

il-fażi tal-bidu, mill-1 jum sat-28 jum:

L-ikel tal-bidu huwa magħmul (bħala piż) minn tal-inqas 50 % ċereali mħalltin (ċereali u prodotti sekondarji taċ-ċereali). Fost iċ-ċereali għandu dejjem ikun hemm il-qamħirrum u mill-inqas ċereali ieħor tat-tiben (qamħ, xgħir, tritikal, ħafur) jew il-qaraboċċ.

F’din it-taħlita ta’ ċereali, l-ammont minimu ta’ qamħirrum (bħala piż) huwa stipulat għal 25 %.

il-fażi tat-tkabbir, mid-29 jum sat-52 jum:

L-ikel matul it-tkabbir huwa magħmul (bħala piż) minn tal-inqas 70 % ta’ ċereali mħalltin (ċereali u prodotti sekondarji taċ-ċereali). Fost iċ-ċereali għandu dejjem ikun hemm il-qamħirrum u mill-inqas ċereali ieħor tat-tiben (qamħ, xgħir, tritikal, ħafur) jew il-qaraboċċ.

F’din it-taħlita ta’ ċereali, l-ammont minimu ta’ qamħirrum (bħala piż) huwa stipulat għal 30 %.

il-fażi finali, mit-53 jum sal-81 jum:

L-ikel matul il-fażi finali huwa magħmul (bħala piż) minn tal-inqas 80 % ta’ ċereali mħalltin (ċereali u prodotti sekondarji taċ-ċereali). Fost iċ-ċereali għandu dejjem ikun hemm il-qamħirrum u mill-inqas ċereali ieħor tat-tiben (qamħ, xgħir, tritikal, ħafur) jew il-qaraboċċ.

F’din it-taħlita ta’ ċereali, l-ammont minimu ta’ qamħirrum (bħala piż) huwa stipulat għal 30 %.

il-fażi tas-simna sa mill-inqas 120 jum:

L-ikel huwa magħmul (bħala piż) minn tal-inqas 40 % qamħirrum.

It-tħallit mat-tafal (bentonit) isir sistematikament f’kull tip ta’ ikel. Il-livell ta’ inkorporazzjoni tiegħu mal-ikel huwa stabbilit għal mill-inqas 2 kg/t.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

It-trobbija kif ukoll il-qtil tal-“Poularde du Périgord” isiru fiż-żona ġeografika.

Fil-fatt il-biċċeriji ta’ Périgord żviluppaw u żammew ħiliet speċifiċi meta jiġu biex jagħżlu l-karkassi, xi ħaġa li tgħin sabiex tinżamm ir-reputazzjoni tal-prodott u l-kwalità finali fil-preżentazzjoni tal-prodotti.

L-azzjonijiet tat-tismit u tat-tintif, tat-tneħħija tal-imsaren, tal-irbit u tat-tkessiħ għandhom isiru bl-ikbar galbu possibbli għaliex il-karkassi mingħajr ebda difett biss jitqiegħdu fis-suq sħaħ. Għal dan il-għan, isiru żewġ kategorizzazzjonijiet qabel l-irbit u wara t-tkessiħ.

Rigward it-tiġieġ imsemmna “métifet” jew “métifait”, l-azzjonijiet ta’ tneħħija tal-imsaren u ta’ finitura jsiru bl-idejn.

3.5.   Regolamenti speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

It-tqattigħ u l-ippakkjar isiru fil-biċċerija stess. B’hekk l-operazzjonijiet isiru mill-ewwel waħda wara l-oħra u jevitaw bidla fil-kwalità tal-laħam minħabba kuntatt mal-arja. Kemm il-laħam frisk kif ukoll dak iffriżat għandu jiġi ppreżentat mingħajr difett, il-mess irid ikun limitat, minħabba li l-“Poularde du Périgord” għandha ġilda fina ħafna. L-iffriżar għandu jsir mhux aktar tard minn 24 siegħa wara l-qatla. Dawn l-elementi differenti jirrikjedu ppakkjar rapidu, u t-twettiq tiegħu fiż-żona ġeografika jippermetti li jiġu rispettati l-kriterji marbutin mad-dehra.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-tikkettar jinkludi d-denominazzjoni tal-IĠP “Poularde du Périgord”.

It-tikketti u d-dokumenti tal-bejgħ għandu jkollhom il-logo komuni:

Image

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika hija mifruxa fuq id-dipartimenti ta’:

la Charente, limitat għad-distretti ta’: Aubeterre-sur-Dronne, Chalais, Montbron, Montemboeuf, Montmoreau-Saint-Cybard, Villebois-Lavalette;

la Charente-Maritime, limitat għad-distrett ta’ Montguyon;

la Corrèze, limitat għad-distretti ta’: Argentat, Ayen, Beaulieu-sur-Dordogne, Beynat, Brive-la-Gaillarde-Centre, Brive-la-Gaillarde-Nord-Est, Brive-la-Gaillarde-Nord-Ouest, Brive-la-Gaillarde-Sud-Est, Brive-la-Gaillarde-Sud-Ouest, Corrèze, Donzenac, Égletons, Juillac, Larche, Lubersac, Malemort-sur-Corrèze, Meyssac, Seilhac, Treignac, Tulle-Campagne-Nord, Tulle-Campagne-Sud, Tulle-Urbain-Nord, Tulle-Urbain-Sud, Uzerche, Vigeois;

la Dordogne;

la Gironde, limitat għad-distretti ta’: Castillon-la-Bataille, Coutras, Lussac, Pujols, Sainte-Foy-la-Grande;

la Haute-Vienne, limitat għad-distretti ta’: Aixe-sur-Vienne, Ambazac, Châlus, Châteauneuf-la-Forêt, Eymoutiers, Laurière, Limoges-Beaupuy, Limoges-Isle, Limoges-Landouge, Limoges-Couzeix, Limoges-Cité, Limoges-Le Palais, Limoges-Condat, Limoges-Panazol, Limoges-Corgnac, Limoges-Puy-las-Rodas, Limoges-Grand-Treuil, Limoges-Vigenal, Limoges-Émailleurs, Limoges-Carnot, Limoges-Centre, Limoges-La Bastide, Nexon, Nieul, Oradour-sur-Vayres, Pierre-Buffière, Rochechouart, Saint-Germain-les-Belles, Saint-Junien-Est, Saint-Junien-Ouest, Saint-Laurent-sur-Gorre, Saint-Léonard-de-Noblat, Saint-Mathieu, Saint-Yrieix-la-Perche;

Lot, limitat għad-distretti ta’: Bretenoux, Cahors-Nord-Est, Cahors-Nord-Ouest, Cahors-Sud, Cajarc, Castelnau-Montratier, Catus, Cazals, Gourdon, Gramat, Labastide-Murat, Lacapelle-Marival, Lalbenque, Lauzès, Limogne-en-Quercy, Livernon, Luzech, Martel, Montcuq, Payrac, Puy-l’Évêque, Saint-Céré, Saint-Germain-du-Bel-Air, Saint-Géry, Salviac, Souillac, Vayrac;

Lot-et-Garonne, limitat għad-distretti ta’: Cancon, Castelmoron-sur-Lot, Castillonnès, Duras, Fumel, Lauzun, Marmande-Est, Marmande-Ouest, Monclar, Monflanquin, Sainte-Livrade-sur-Lot, Seyches, Tonneins, Tournon-d’Agenais, Villeneuve-sur-Lot-Sud, Villeréal, Le Mas-d’Agenais

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tinsab fil-Lbiċ ta’ Franza, primarjament fid-dipartiment ta’ la Dordogne.

Périgord huwa definit bħala żona li tikkorrispondi għal medda vasta tal-Pjemonte b’inklinazzjoni mill-Grigal lejn il-Lbiċ. Il-bosta xmajjar, li jaqsmu l-blat iebes kontrastanti ta’ din iż-żona, ifformaw nisġa ta’ widien żgħar, b’orjentazzjonijiet u profili differenti, iżda li jiffurmaw wieħed mill-elementi ewlenin u sinifikanti tar-riżalt ta’ Périgord. Il-widien minnhom infushom, rikki f’depożiti tal-alluvji, jgħinu tassew għall-kultivazzjoni taċ-ċereali. L-għoljiet, spiss wiqfin u msaġġrin, huma partikolarment adatti għat-trobbija.

Bis-saħħa tal-kumplessità ġeoloġika jinstabu ħafna depożiti ta’ minerali (ħadid, deheb, franka, kawlina). Uħud minn dawn jintużaw fil-produzzjoni ta’ tafal smettiku, ta’ tip bentonit u montmorillonit, bi proprjetajiet speċifiċi.

Il-klima taż-żona ġeografika hija ġeneralment moderata, tat-tip “oċeanika ftit differenti”, jiġifieri sistema klimatika tat-Tramuntana tal-Oċean Atlantiku, iżda b’influwenzi partikolari notevoli, kemm tat-tip kontinentali kif ukoll tat-tip Mediterranju.

Il-kultivazzjoni tal-qamħirrum hija mifruxa sew fiż-żona ġeografika kollha. Iċ-ċereali tat-tiben huma kkultivati ħafna; il-qamħ artab u t-tritikal jippredominaw.

Rigward l-element uman, it-trobbija tat-tjur f’Périgord ilha li qabdet sew mis-seklu 14.

Kien biss fis-seklu 19 li Périgord sar art li tipproduċi t-tjur b’ruħha u ġisimha, produzzjoni li żammet il-karattru tradizzjonali tagħha, tat-tip tal-familja.

L-ewwel “Syndicat de défense du Poulet Fermier du Périgord” (“Unjin għall-protezzjoni ta’ dawk li jrabbu t-tiġieġ f’Périgord”) ġie stabbilit fl-1953. Fir-regolament tekniku tiegħu ta’ dak iż-żmien, iddefinixxa l-mod ta’ trobbija tat-tjur “skont il-metodu ta’ trobbija li jintuża f’Périgord”.

L-iżvilupp u l-fama miksuba fit-tiġieġ inċentivaw lil dawk li jrabbu t-tjur biex jiżviluppaw produzzjoni tat-tjur għal ikliet kbar fuq il-bażi tal-għarfien tradizzjonali mħaddan f’Périgord.

It-trobbija tat-tiġieġ imsemmna hija bbażata fuq l-istess prattiki bħal dawk tat-trobbija tat-tiġieġ. L-għarfien f’dak li għandu x’jaqsam mal-għalf huwa partikolarment adattat għat-titwil tat-trobbija ta’ dawn it-tiġieġ u għat-tismin tagħhom. Bħas-soltu, il-bdiewa ta’ Périgord kuljum jixħtu xi ponn ċereali tal-ħabba sħiħa fuq il-mifrex tar-razzett. Barra minn hekk, iżidu porzjon ta’ ċereali tal-bentonit, tafal ferm magħruf f’Périgord minħabba l-benefiċċji tiegħu għad-diġestjoni tat-tjur.

Speċifiċità tal-prodott

Il-“Poularde du Périgord” hija tajra smina għal ikliet kbar b’massa muskolari żviluppata u mlaħħma sew. Il-massa muskolari fl-intier tagħha turi stat ta’ tismin intramuskolari msejjaħ “imraħħma” u stat ta’ tismin taħt il-ġilda notevoli sew.

Tingħata attenzjoni kbira lill-kwalità tal-preżentazzjoni tal-karkassi sħaħ u li ma jkun jidher ebda difett fihom.

L-ispeċifiċitajiet tiegħu jagħtu lill-“Poularde du Périgord” reputazzjoni soda.

Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

Ir-rabta mal-oriġini tal-“Poularde du Périgord” hija bbażata fuq il-kwalità u r-reputazzjoni.

Iż-żona ġeografika, bis-saħħa tal-klima oċeanika ħafifa u l-altitudni tagħha baxxa sa medja, tikkostitwixxi post ideali għat-trobbija tat-tjur.

Il-widien, mimlija depożiti tal-alluvji, jintużaw għall-kultivazzjoni taċ-ċereali u l-għoljiet, spiss wiqfin u msaġġrin, għat-trobbija tat-tjur.

It-taħlit ta’ dawn iċ-ċereali mal-porzjon ta’ ikel huwa bbażat fuq il-preżenza mifruxa tagħhom li ilha tintuża għal żmien twil fin-newbiet tal-uċuħ tar-raba’ tal-irziezet ta’ Périgord u tagħti profil nutrittiv speċifiku u partikolarment ekwilibrat sew għall-iżvilupp u t-tismin tat-tjur.

Fost iċ-ċereali użati, il-qamħirrum jintuża fuq u qabel kollox: in-nuqqas ta’ tegument fuq il-ħbub jagħtih diġestibilità aħjar u, b’hekk, kwalità ta’ assimilazzjoni aħjar; ir-rata għolja tiegħu ta’ kontenut ta’ xaħam u ta’ lamtu tagħmlu ċereali partikolarment enerġizzanti għat-tismin tat-tiġieġ smin.

It-tħallit b’mod sistematiku tat-tafal (il-bentonit) mal-porzjon tal-ikel jiżgura kundizzjoni tajba ħafna tas-saħħa u l-aħjar kundizzjonijiet fir-razzett, sitwazzjoni li tgħin biex it-trobbija tat-tjur tkun iktar armonjuża u regolari. Din l-għażla li jagħmlu l-bdiewa ta’ Périgord hija partikolarment importanti u ġġustifikata fid-dawl tal-iżvilupp tal-massa muskolari u t-tismin tal-“Poularde du Périgord” u speċjalment peress li dawn huma tjur ta’ razza li tikber bil-mod, li l-perjodu tat-trobbija tagħha huwa partikolarment twil.

It-tħallit tal-bentonit mal-ikel kollu jikseb teħid aħjar tal-porzjon matul il-ħajja kollha tal-annimal. Dan it-teħid aħjar jgħin għal żvilupp aħjar tat-tessuti kollha, speċjalment tal-muskoli, u jgħin sabiex ix-xaħam ikun distribwit aħjar fil-ġisem. Għalhekk, il-karkassi tal-“Poularde du Périgord” jippreżentaw bilanċ tajjeb bejn ix-xaħam tal-addome, ix-xaħam ta’ taħt il-ġilda u x-xaħam intramuskolari.

Din il-prattika hija assoċjata ma’ dik li ntirtet mit-tradizzjoni ta’ tqassim kuljum ta’ xi ponn ċereali tal-ħabba sħiħa fuq il-mifrex tar-razzett. Dan il-metodu antik li jippermetti wkoll sabiex il-bidwi jiġbor it-tjur, isaħħaħ ir-rabta bejn it-tjur u min irabbihom, jistimula l-istint tal-flieles li jnaqqru u għalhekk jgħin l-esplorazzjoni fil-beraħ. Din l-imġiba ssarraf f’iktar attività fiżika li twassal għall-iżvilupp ta’ muskolatura iktar b’saħħitha flimkien ma’ tqassim aħjar tax-xaħam fil-livell tal-muskoli.

Tikkontribwixxi wkoll sabiex tistimola minn età żgħira l-funzjonament tal-qanżħa u b’hekk tgħin sabiex il-komponenti tal-porzjon jiġu assimilati aħjar u b’hekk jittejjeb l-iżvilupp tal-massa muskolari.

Barra minn hekk, tgħin biex il-flieles kontinwament jigirfu l-mifrex, xi ħaġa li tikkontribwixxi sabiex dan jieħu l-arja u jibqa’ xott għal iktar żmien meta wieħed iqis kemm hi twila t-trobbija ta’ dawn it-tjur.

Din id-drawwa ta’ grif u tqallib ta’ kuljum tal-mifrex issir partikolarment importanti għat-tiġieġ smien meta wieħed iqis it-tul taż-żmien tat-trobbija ta’ dawn it-tjur li jittiekel għall-festi li tiġi segwita minn perjodu fil-magħluq. Filfatt, il-preżenza tat-tiġieġ smien fuq ġewwa tar-razzett fuq mifrex nadif ħafna, fi tmiem il-perjodu ta’ tismin, tgħin sabiex ir-rix ikun f’kundizzjoni tajba ħafna. Dan isarraf f’tintif iktar faċli u, b’hekk, kwalità impekkabbli fil-preżentazzjoni tal-karkassi sħaħ, speċjalment fil-verżjoni tradizzjonali lokali tagħhom imsejħa “méti-fait”.

It-trobbija fil-beraħ fuq art mimlija għoljiet wiqfin u msaġġra, daqstant ieħor għandha impatt fuq l-ispeċifiċitajiet tal-“Poularde du Périgord”: twassal għal għadam iktar b’saħħtu li jippermetti li tiġi żviluppata massa muskolari iktar b’saħħitha (sidra u koxox).

Ix-xaħam intramuskolari li jagħti il-laħam tal-“Poularde du Périgord” karatteristika speċifika, imsejħa “persillée” (strixxi ta’ dgħif u grass), jinbena matul l-aħħar fażi tat-tismin li jsir fir-razzett.

Dawn l-elementi kollha saru magħrufa fl-1929 bis-saħħa ta’ La Mazille, kok famuż tar-reġjun, fil-ġabra tiegħu ta’ riċetti lokali: “Waħda mir-raġunijiet ewlenin tal-eċċellenza tat-tjur f’Périgord ġejja mill-fatt ta’ kif jiġi magħlef u msemmen bil-qamħirrum”.

Ir-reputazzjoni tal-“Poularde du Périgord” ilha wkoll ikkonfermata mis-seklu 19 bis-saħħa ta’ kompetizzjonijiet, organizzati l-ewwel f’Dordogne (1862) imbagħad fid-dipartimenti kollha fl-inħawi (Limoges 1862, Agen 1863, Niort 1866), li fil-parti l-kbira ntrebħu mill-bdiewa ta’ Périgord. Bis-saħħa tal-kwalitajiet tat-togħma tat-tjur ta’ tip tradizzjonali għall-ikliet kbar, illum il-ġurnata r-reputazzjoni tal-“Poularde du Périgord” qiegħda tkompli tikber.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-15f16403-8e36-4a51-876e-f644ae3d7e36


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


24.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/8


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2016/C 228/04)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2)

“BRISIGHELLA”

Nru tal-UE: IT-PDO-0217 - 01379 — 2.10.2015

DOP ( X ) IĠP ( ) STG ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consorzio Olio DOP “BRISIGHELLA”,

Via Roma, 44

48013 Brisighella (RA)

ITALIA

Tel. 0546 81103 – Faks 0546 81497

Posta elettronika: info@brisighelladop.it

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

Prova tal-oriġini

Metodu tal-produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn: Imballaġġ; tneħħija tar-referenzi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali; sostituzzjoni tal-kliem “denominazione di origine controllata” - “denominazzjoni tal-oriġini kkontrollata”

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat.

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat.

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma jkun ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti).

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ STG irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

L-Ispeċifikazzjoni ġiet adattata mal-leġiżlazzjoni Komunitarja preżenti permezz tal-introduzzjoni ta’ medjani għad-deskritturi tipiċi skont il-metodu previst fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2002 (3) u t-tneħħija tal-metodu ta’ analiżi preċedenti, li ma għadux rilevanti. Id-definizzjonijiet ta’ wħud mill-karatteristiċi tal-prodott għalhekk ġew kemxejn emendati, u b’hekk dawk imsemmija fl-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ippreżentata mat-talba għar-reġistrazzjoni ġew ikkompletati u saru aktar preċiżi: ir-riħa, b’togħma tal-frott li tkun minn medja sa intensa bi ħjiel li jispikka ta’ ħaxix u/jew ħxejjex ħodor, ġiet ikkoreġuta biex taqra “riħa tal-frott taż-żebbuġa li tkun minn medja sa intensa (medjana > 3) li titħallat ma’ aroma tal-qaqoċċ u bi ħjiel ta’ ħaxix u tadam”; it-togħma, li fl-Ispeċifikazzjoni fis-seħħ għandha tkun togħma tal-frott b’daqsxejn ta’ ħjiel ta’ togħma morra u ħjiel kemxejn pikkanti jew inkella ħjiel pikkanti medju, inbidlet għal “togħma tal-frott taż-żebbuġa li tkun minn medja sa intensa (medjana > 3) inkluż ħjiel ta’ togħma morra u pikkanti li tkun minn medja sa intensa (medjana > 3)”. Dawn l-aromi u t-togħmiet huma simili għal dawk speċifikati fl-Ispeċifikazzjoni ppreżentata mat-talba għar-reġistrazzjoni tad-DOP.

Barra minn hekk, dawn li ġejjin ġew imħassra:

Il-valur tal-proporzjon ta’ aċidu olejku/linolejku, li fl-Ispeċifikazzjoni fis-seħħ għandu jkun fil-medda ta’ bejn 10 u 20: it-tnaqqis tal-valur tal-aċidu olejku inevitabbilment jaffettwa dan il-proporzjon;

Il-valuri tal-proporzjon ta’ kampesterol/stigmasterol, li għandhom ikunu bejn 1,7 u 1,4, u tal-proporzjon ta’ kampesterol/Delta 5 avenasterol, li għandu jkun bejn 0,25 u 0,60.

Dawn il-proporzjonijiet ġew imfassla biex iservu bħala parametri użati biex jiggarantixxu l-oriġini taż-żejt, iżda llum dawn il-parametri ma għadhomx jiżguraw l-oriġini u l-kwalità taż-żejt taż-żebbuġa straverġni Brisighella DOP.

Il-valur K270 tnaqqas mill-valur massimu ta’ 1,60 fl-Ispeċifikazzjoni fis-seħħ bħalissa, li fil-fatt kien żball, għall-valur massimu ta’ 0,20 b’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa straverġni (ir-Regolament (KE) Nru 796/2002, Anness I).

L-aċidità massima totali, espressa f’aċidu olejku, tnaqqset mill-valur ta’ 0,5 % għal 0,3 %. Meta wieħed iqis li ż-żejt Brisighella DOP qatt ma jaqbeż il-valur ta’ 0,3 %, dan it-tnaqqis sar bl-intenzjoni li tiġi ppreservata l-aħjar kwalità.

Bl-istess mod, il-kontenut minimu meħtieġ ta’ polifenol ta’ aktar minn jew ugwali għal 200 ppm (mg ta’ tirosol għal kull kg-1 ta’ żejt) ġie miżjud abbażi ta’ analiżi xjentifika bl-użu tal-metodu uffiċjali “Determinazzjoni tal-bijofenoli fiż-żjut taż-żebbuġ permezz tal-metodu HPLC” approvat mill-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (COI/T. 20/Doc. No 29).

Il-kontenut ta’ aċidu olejku tnaqqas minn 75 % għal 74 %. Minħabba t-tibdil fil-klima, kif muri fir-rapport tal-Aġenzija Reġjonali għall-Prevenzjoni, l-Ambjent u l-Enerġija fir-reġjun tal-Emilia Romagna (ARPA), kien hemm żieda kbira fit-temperatura matul dawn l-aħħar snin. Bejn l-1987 u l-2012, kien hemm żieda annwali medja ta’ madwar 0,07 °C kull sena, li wasslet biex it-temperatura medja annwali, minn 12,9 °C għall-perjodu minn 1987 sa 1996, tiżdied għal 14,2 °C għall-perjodu minn 2007 sa 2012. Jekk jitqies biss il-perjodu tas-sajf, iż-żieda fit-temperatura osservata tvarja minn 22,3 °C għal 24 °C u aktar (25,6 fl-2012). Dawn il-varjazzjonijiet jaffettwaw il-fażijiet li waqthom is-siġra taż-żebbuġ, wara li tagħmel il-frott, tibda l-proċess tal-produzzjoni taż-żejt u tal-biosinteżi tal-aċidi xaħmin. Klima sħuna tista’ tippromwovi d-desaturazzjoni tal-aċidi xaħmin, li tirriżulta f’żieda fl-aċidu linolejku u fit-tnaqqis tal-aċidu olejku. It-tnaqqis tal-limitu tal-kontenut ta’ aċidu olejku fiż-żejt taż-żebbuġa straverġni Brisighella DOP ma joħloq l-ebda riskju ta’ frodi, jiġifieri li l-parametri l-oħrajn jibqgħu intatti: għandu jiġi evidenzjat li kull taħlita bi żjut li ma jkunux żejt taż-żebbuġa, li jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-aċidu olejku, inevitabbilment twassal għal bidla fil-kompożizzjoni taż-żejt, iżda dan ma jistax iseħħ bi tnaqqis ta’ punt perċentwali wieħed biss.

Ir-referenza espliċita għall-konformità tal-parametri kimiċi-fiżiċi oħra li mhumiex speċifikament imsemmija mal-leġiżlazzjoni tal-UE ġiet imħassra peress li din hija żejda: dawn il-parametri jridu jiġu rrispettati fi kwalunkwe każ. Ir-referenza lil-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u Forestali jista’ jżid aktar parametri wkoll tneħħiet minħabba li tirreferi għall-prattiki nazzjonali preċedenti li ma għadhomx fis-seħħ.

Dawn l-emendi kollha jirrelataw, u parzjalment biss, mal-karatteristiċi tal-prodott li mhumiex essenzjali. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn l-emendi saru wara l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam, adottata wara r-reġistrazzjoni tal-Brisighella DOP. Anke fil-każ li l-emendi ġew introdotti intenzjonalment — bit-tneħħija tal-firxiet, l-aċidità massima, il-perċentwal ta’ aċidu olejku, il-kontenut ta’ polifenol — il-bidliet jikkonċernaw karatteristiċi li huma relatati maż-żejt taż-żebbuġa straverġni b’mod ġenerali, u li mhumiex speċifiċi għaż-żejt taż-żebbuġa Brisighella DOP u għar-rabta msemmija fl-Artikolu 7(1)(f)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u b’konsegwenza ta’ dan, dawn l-emendi xorta għandhom jitqiesu bħala minuri, fir-rigward tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Metodu tal-produzzjoni

Id-data ta’ meta jkun jista’ jinbeda l-ħsad tneħħiet mill-Ispeċifikazzjoni, li minflok torbot il-ħsad mal-progress tal-istaġuni ta’ dik is-sena partikolari u għalhekk mal-bidu tal-maturazzjoni. L-Ispeċifikazzjoni li ntbagħtet mat-talba għar-reġistrazzjoni tistabbilixxi din id-data għall-5 ta’ Novembru kull sena. B’kont meħud ta’ dak li diġà ntqal aktar ‘il fuq fir-rigward tal-emenda għall-kontenut ta’ aċidu olejku, ġie nnutat li ż-żieda fit-temperatura f’din iż-żona kkawżat b’mod kostanti l-maturazzjoni bikrija taż-żebbuġ, bir-riżultat li d-data tal-5 ta’ Novembru issa hija tard wisq. Fi żmien ir-reġistrazzjoni, dan kien tabilħaqq meta ż-żebbuġ kien jibda jimmatura, b’marġni ta’ tolleranza li naqas maż-żmien, sakemm il-produtturi kienu obbligati jitolbu l-emenda temporanja tal-Ispeċifikazzjoni, liema emenda inizjalment kienet temporanja, u mbagħad permanenti.

Anki f’dan il-każ, għalkemm id-data tressqet ‘il quddiem, din xorta għandha titqies bħala emenda minuri, peress li ma taffettwa l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Tikkettar

Issa huwa possibbli li jiġu indikati assigurazzjonijiet fuq it-tikketta fir-rigward tal-benefiċċji għas-saħħa tal-prodott “il-polifenoli fiż-żejt taż-żebbuġa jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-lipidi tad-demm minn ħsara ossidattiva” — “il-benefiċċju għas-saħħa jinkiseb permezz ta’ doża ta’ kuljum ta’ 20 g ta’ żejt taż-żebbuġa” (għal żjut li fihom mill-inqas 5 mg ta’ idrossitirosol u d-derivattivi tiegħu għal 20 gramma ta’ żejt), peress li ż-żejt taż-żebbuġa straverġni Brisighella għandu l-karatteristiċi meħtieġa li jiġġustifikaw din l-assigurazzjoni. Din l-assigurazzjoni hija fost dawk previsti mir-Regolament (UE) Nru 432/2012, u għalhekk tista’ tintuża biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

L-ebda waħda minn dawn l-emendi ma taqa’ taħt il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk għandhom ukoll jitqiesu bħala minuri.

Oħrajn

L-Ispeċifikazzjoni li ntbagħtet għat-talba għar-reġistrazzjoni teħtieġ li l-kontenituri użati għall-imballaġġ taż-żejt Brisighella DOP qabel ma jinbiegħ ikunu magħmulin minn ħġieġ skur u li jkollu dawn il-kapaċitajiet li ġejjin espressi fi grammi jew f’millilitri: 100, 250, 500, 750, 1 000, 1 500, 2 000, u 5 000. Ġiet introdotta emenda fir-rigward tat-tip ta’ kontenituri użati u li tippermetti wkoll kontenituri tal-metall, u fir-rigward tal-kapaċitajiet espressi fi grammi u f’millilitri, li tippermetti kwalunkwe forma li ma taqbiżx il-kapaċità ta’ 5 litri.

Ir-referenzi għad-Digriet Ministerjali Nru 573 tal-4 ta’ Novembru 1993 tħassru minħabba li ma għadhomx rilevanti.

L-Ispeċifikazzjoni li ġiet mibgħuta fiż-żmien tat-talba għar-reġistrazzjoni bi żball kien fiha l-kliem “denominazzjoni tal-oriġini kkontrollata”, li ġie ssostitwit bil-kliem korrett: “denominazzjoni ta’ oriġini protetta”.

Fi kwalunkwe każ, l-emendi msemmija hawn fuq ma jaqgħu taħt l-ebda kategorija elenkata fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk għandhom jitqiesu bħala minuri.

6.   Speċifikazzjoni aġġornata tal-prodott (għal DOP u IĠP biss)

https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

DOKUMENT UNIKU

“BRISIGHELLA”

Nru tal-UE: IT-PDO-0217 - 01379 — 2.10.2015

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Isem

“Brisighella”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żjut, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Meta jiġi rilaxxat għall-konsum, iż-żejt taż-żebbuġa straverġni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Brisighella” għandu jkollu dawn il-karatteristiċi:

Kulur: lewn aħdar jiddi b’riflessi dehbin;

Riħa: Riħa tal-frott taż-żebbuġa li tkun minn medja sa intensa (medjana > 3) li titħallat ma’ aroma tal-qaqoċċ u bi ħjiel ta’ ħaxix u tadam;

Togħma: Togħma tal-frott taż-żebbuġa li tkun minn medja sa intensa (medjana > 3) inkluż ħjiel ta’ togħma morra u pikkanti minn medja sa intensa (medjana > 3);

L-aċidità massima totali espressa bħala aċidu olejku: ta’ mhux aktar minn 0,30 g għal kull 100 g ta’ żejt;

Valur tal-perossidu: ≤ 13 Meq O2v/Kg

K232: ≤ 2,20;

K270: ≤ 0,20;

Aċidu linolejku: ≤ 8 %

Aċidu olejku: ≥ 73 %

Kontenut minimu ta’ polifenol: ≥ 200 ppm (mg ta’ tirosol għal kull kg ta’ żejt) kif attestat minn analiżi xjentifika bl-użu tal-metodu uffiċjali “Determinazzjoni tal-bijofenoli fiż-żjut taż-żebbuġ permezz tal-metodu HPLC” approvat mill-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (COI/T. 20/Doc. No 29).

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Brisighella” trid tiġi prodotta mill-varjetà taż-żebbuġ “Nostrana di Brisighella” li trid tirrappreżenta mill-inqas 90 % tal-imsaġar. L-imsaġar taż-żebbuġ jista’ jkun fihom varjetajiet oħra, sakemm dawn ma jammontawx għal aktar minn 10 %.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Id-diversi fażijiet kollha tal-proċess tal-produzzjoni (il-kultivazzjoni, il-ħsad u l-għasir taż-żebbuġ) iridu jsiru fiż-żona ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

Sabiex jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott fil-fażijiet kollha tal-produzzjoni u tkun żgurata l-preservazzjoni tal-kwalità taż-żejt, iż-żejt taż-żebbuġa straverġni “Brisighella” jrid jiġi bbottiljat u ppakkjat fiż-żona tal-produzzjoni definita fl-Artikolu 3 tal-Ispeċifikazzjonijiet tal-produzzjoni. Biex ikun rilaxxat għall-konsum, iż-żejt taż-żebbuġa straverġni “Brisighella” jrid ikun ippakkjat f’kontenituri tal-ħġieġ skur jew tal-metall b’kapaċità massima ta’ 5 litri.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Brisighella” jrid jidher fuq it-tikketta b’tipa ċara, li ma tistax titħassar, b’kulur li jikkuntrasta b’mod qawwi mal-kulur tat-tikketta nnifisha, u b’tali mod li jingħaraf sew mill-bqija tal-informazzjoni li tidher fuq it-tikketta. Is-sena tal-produzzjoni taż-żebbuġ li minnhom sar iż-żejt trid tiġi indikata fuq it-tikketta.

Huwa permess l-użu tal-ismijiet ta’ azjendi, proprjetajiet u rziezet u r-referenza għall-imballaġġ f’azjenda taż-żebbuġ jew f’assoċjazzjoni ta’ azjendi taż-żebbuġ li tinsab fiż-żona tal-produzzjoni, biss jekk il-prodott ġie esklussivament magħmul minn żebbuġ maħsud minn imsaġar taż-żebbuġ li jagħmlu parti mill-azjenda inkwistjoni, u jekk iż-żejt jiġi estratt u ppakkjat f’din l-azjenda.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żebbuġ iddestinat għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa straverġni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Brisighella” jrid jitkabbar fit-territorju tal-provinċji ta’ Ravenna u ta’ Forlì li huma adattati għall-produzzjoni ta’ żejt bil-karatteristiċi u l-kwalità stabbiliti f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Din iż-żona tinkludi t-territorju amministrattiv kollu, jew parti minnu, tal-muniċipalitajiet li ġejjin: Brisighella, Faenza, Riolo Terme, Casola Valsenio u Modigliana.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika għandha influwenza importanti ħafna fuq il-produzzjoni taż-żebbuġ użat għall-Brisighella DOP. Jeżistu żewġ fatturi ewlenin li jippermettu l-kultivazzjoni taż-żebbuġ f’din iż-żona:

1.

L-influss ta’ arja sħuna fil-widien min-Nofsinhar (peress li din hija ż-żona l-aktar baxxa miż-żoni muntanjużi tal-Apennini fir-rigward ta’ dawk li jinsabu barra miż-żona tal-produzzjoni ta’ dan id-DOP) jifrex iċ-ċpar li jiġi ffurmat fil-widien lejn il-pjanuri li huma barra miż-żona tad-DOP.

2.

Iż-żona fejn jiġi prodott dan id-DOP hija maqsuma min-nofs minn katina ta’ muntanji tal-ġibs magħrufa bħala “La Vena dei Gessi Romagnola” (il-Vina tal-Ġibs Romagnola) li minħabba n-natura ġeoloġika u pedoloġika tagħha għandha t-tendenza li takkumula s-sħana fis-sajf li gradwalment tonqos fix-xitwa.

Dawn il-fatturi jgħinu liż-żebbuġa tiffjorixxi f’din iż-żona, u b’mod partikolari l-kultivari lokali bħal la Nostrana di Brisighella, li jipproduċu 90 % taż-żejt użat biex isir il-Brisighella DOP.

Din il-varjetà tagħti karatteristiċi uniċi lill-prodott peress li hija varjetà lokali li tipprovdi mill-inqas 90 % taż-żejt użat għall-Brisighella DOP.

Dawk li jkabbru ż-żebbuġ fiż-żona ta’ Brisighella sabu f’din il-varjetà ta’ żebbuġ il-karatteristiċi li jippermettulhom jipprovdu lill-konsumatur bi prodott esklussiv.

Il-Brisighella DOP għandu dawn il-karatteristiċi minħabba r-rabta qawwija li teżisti bejn iż-żona tal-produzzjoni u l-kultivar taż-żebbuġ li huwa predominanti lokalment (Nostrana di Brisighella) li matul is-sekli adatta l-karatteristiċi fenoloġiċi speċifiċi tiegħu biex ikampa f’żona ta’ tkabbir taż-żebbuġ li tinsab fil-limiti ta’ fejn jista’ jitkabbar iż-żebbuġ.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit tal-Internet li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew inkella:

billi tmur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u Forestali (www.politicheagricole.it), tikklikkja fuq “Prodotti DOP IGP” (fil-parti ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), wara fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u wara tikklikkja fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(3)  ĠU L 128, 15.5.2002, p. 8.