ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 199

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
4 ta' Ġunju 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 199/01

Opinjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 2016 dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mit-tħaddim tal-faċilità tal-ħżin tal-iskart radjuattiv Brunsbüttel LasmA, li tinsab fi Brunsbüttel, Schleswig-Holstein, il-Ġermanja

1

2016/C 199/02

Opinjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 2016 dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta miż-żarmar tal-impjant tal-enerġija nukleari KKB, li jinsab fi Brunsbüttel, Schleswig-Holstein, il-Ġermanja

3


 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 199/03

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8028 — Fairfax Financial Holdings/OPG Commercial Holdings/Eurolife ERB Insurance Group Holding) ( 1 )

4

2016/C 199/04

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8026 — Banco Bilbao Vizcaya Argentaria Colombia/RCI Banque/JV) ( 1 )

4


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2016/C 199/05

Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2016 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Bord ta' Tmexxija tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

5

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 199/06

Rata tal-kambju tal-euro

7

 

L-Awtorità Bankarja Ewropea

2016/C 199/07

Deċiżjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea li tispeċifika r-rata ta’ referenza skont l-Anness II għad-Direttiva 2014/17/UE (Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju)

8


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI TAL-QORTI

 

Qorti tal-EFTA

2016/C 199/08

Talba għal Opinjoni Konsultattiva mill-Qorti tal-EFTA magħmula minn Héraðsdómur Reykjavíkur, datata t-22 ta' Mejju 2015 fil-kawża ta' Ferskar kjötvörur ehf. vs l-Istat tal-Iżlanda (Il-Kawża E-17/15)

12

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 199/09

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8041 — M&G/Anchorage/PHS Group Investments) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

13

2016/C 199/10

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8039 — Freudenberg/Vibracoustic) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

14

2016/C 199/11

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8049 — TPG Capital/Partners Group/TH Real Estate Portfolio) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

15


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kummissjoni Ewropea

4.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta’ Ġunju 2016

dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mit-tħaddim tal-faċilità tal-ħżin tal-iskart radjuattiv Brunsbüttel LasmA, li tinsab fi Brunsbüttel, Schleswig-Holstein, il-Ġermanja

(it-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(2016/C 199/01)

Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni oħra li trid titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u minn leġiżlazzjoni sekondarja (1).

Fit-28 ta’ Awwissu 2015, f’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern Ġermaniż, Dejta Ġenerali marbuta mal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mit-tħaddim tal-faċilita tal-ħżin tal-iskart radjuattiv Brunsbüttel LasmA.

Abbażi ta’ din id-dejta u tal-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Novembru 2015 u pprovduta mill-awtoritajiet Ġermaniżi fid-9 ta’ Frar 2016, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

1.

Id-distanza bejn is-sit ta’ Brunsbüttel u l-eqreb fruntiera ma’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ id-Danimarka, hija 100 km.

2.

Il-faċilità LasmA mhix se tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni ta’ rilaxx fir-rigward ta’ effluwenti radjuattivi likwidi: f’kundizzjonijiet ta’ tħaddim normali, ir-rilaxx ta’ effluwenti radjuattivi likwidi mhux se jseħħ.

3.

F’kundizzjonijiet ta’ tħaddim normali, ir-rilaxx ta’ effluwenti gassużi radjuattivi x’aktarx li ma jirriżultax f’esponiment li jkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, għall-popolazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-limiti tad-dożi stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza l-ġodda (mogħtija fid-Direttiva 2013/59/Euratom).

4.

Skart radjuattiv solidu sekondarju jinħażen temporanjament fis-sit qabel ma jiġi ttrasportat fil-faċilitajiet ta’ trattament jew ta’ rimi liċenzjati li jinsabu fil-Ġermanja.

5.

F’każ ta’ rilaxx mhux ippjanat ta’ effluwenti radjuattivi, li jista’ jirriżulta minn xi aċċidenti tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li x’aktarx jilħqu lill-popolazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma jkunux sinifikanti mil-lat tas-saħħa fir-rigward tal-livelli ta’ referenza stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza l-ġodda (mogħtija fid-Direttiva 2013/59/Euratom).

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv fi kwalunkwe għamla, li joriġina mit-tħaddim tal-faċilità tal-ħżin tal-iskart radjuattiv Brunsbüttel LasmA, li jinsab fi Schleswig-Holstein, il-Ġermanja, kemm waqt it-tħaddim normali kif ukoll fil-każ ta’ aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, x’aktarx li ma tirriżultax f’kontaminazzjoni radjuattiva, li tkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Istandards Bażiċi ta’ Sikurezza l-ġodda (id-Direttiva 2013/59/Euratom).

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Miguel ARIAS CAÑETE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali għandhom jiġu vvalutati aktar. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa u d-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.


4.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/3


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta’ Ġunju 2016

dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta miż-żarmar tal-impjant tal-enerġija nukleari KKB, li jinsab fi Brunsbüttel, Schleswig-Holstein, il-Ġermanja

(it-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(2016/C 199/02)

Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni oħra li trid titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u minn leġiżlazzjoni sekondarja (1).

Fit-28 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern Ġermaniż, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom, Dejta Ġenerali rigward il-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv li jirriżulta miż-żarmar tal-impjant tal-enerġija nukleari KKB.

Abbażi ta’ din id-dejta u tal-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Novembru 2015 u pprovduti mill-awtoritajiet Ġermaniżi fid-9 ta’ Frar 2016, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

1.

Id-distanza bejn is-sit ta’ Brunsbüttel u l-eqreb fruntiera ma’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ id-Danimarka, hija 100 km.

2.

F’kundizzjonijiet ta’ tħaddim normali, ir-rilaxx ta’ effluwenti likwidi u gassużi radjuattivi x’aktarx li ma jirriżultax f’esponiment li jkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, għall-popolazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-limiti tad-dożi stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza l-ġodda (mogħtija fid-Direttiva 2013/59/Euratom).

3.

Skart solidu radjuattiv jinħażen temporanjament fis-sit qabel ma jiġi ttrasportat lejn faċilitajiet liċenzjati ta’ trattament jew ta’ rimi li jinsabu fil-Ġermanja.

F’konformità mal-livelli ta’ approvazzjoni, l-iskart solidu u l-fdalijiet materjali mhux radjuattivi, jiġu rilaxxati mill-kontroll regolatorju għar-rimi bħala skart konvenzjonali, għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ. Dan se jsir f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza ġodda (mogħtija fid-Direttiva 2013/59/Euratom).

4.

F’każ ta’ ħruġ mhux ippjanat ta’ effluwenti radjuattivi, li jista’ jirriżulta minn xi aċċidenti tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li x’aktarx jilħqu lill-popolazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma jkunux sinifikanti mil-lat tas-saħħa fir-rigward tal-livelli ta’ referenza stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza l-ġodda (mogħtija fid-Direttiva 2013/59/Euratom).

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv fi kwalunkwe għamla, li joriġina miż-żarmar tal-impjant tal-enerġija nukleari Brunsbüttel KKB, li jinsab fi Schleswig-Holstein, il-Ġermanja, kemm waqt it-tħaddim normali kif ukoll fil-każ ta’ aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, x’aktarx li ma tirriżultax f’kontaminazzjoni radjuattiva, li tkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Istandards Bażiċi ta’ Sikurezza l-ġodda (id-Direttiva 2013/59/Euratom).

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Miguel ARIAS CAÑETE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali għandhom jiġu vvalutati aktar. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa u d-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

4.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/4


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8028 — Fairfax Financial Holdings/OPG Commercial Holdings/Eurolife ERB Insurance Group Holding)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 199/03)

Fis-27 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32016M8028. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


4.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/4


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8026 — Banco Bilbao Vizcaya Argentaria Colombia/RCI Banque/JV)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 199/04)

Fit-30 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32016M8026. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

4.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Mejju 2016

li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Bord ta' Tmexxija tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

(2016/C 199/05)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1922/2006 jipprevedi, fost l-oħrajn, li l-Kunsill għandu jaħtar 18-il membru, kif ukoll il-membri supplenti, tal-Bord ta' Tmexxija tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għal perijodu ta' tliet snin.

(2)

Tmintax-il Stat Membru (Belġju, Repubblika Ċeka, Danimarka, Ġermanja, Irlanda, Greċja, Spanja, Franza, Kroazja, Italja, Ċipru, Latvja, Litwanja, Ungerija, Polonja, Portugall, Slovenja, u Żvezja) għandhom jinnominaw il-membri u l-membri supplenti għall-perijodu mill-1 ta’ Ġunju 2016 sal-31 ta’ Mejju 2019.

(3)

Il-Gvernijiet ta' dawk l-Istati Membri kollha ppreżentaw listi ta' kandidati lill-Kunsill,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dawn li ġejjin huma b'dan maħtura membri u membri supplenti tal-Bord ta' Tmexxija tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-perijodu mill-1 ta’ Ġunju 2016 sal-31 ta’ Mejju 2019:

RAPPREŻENTANTI TAL-GVERN

Pajjiż

Membri

Supplenti

Belġju

Is-Sur Michel PASTEEL

Is-Sinjura Liesbet STEVENS

Repubblika Ċeka

Is-Sinjura Andrea BARŠOVÁ

Is-Sinjura Lucia ZACHARIÁŠOVÁ

Danimarka

Is-Sinjura Kira APPEL

Is-Sur Søren FELDBÆK WINTHER

Ġermanja

Is-Sinjura Christine MORGENSTERN

Is-Sinjura Birgit SCHWEIKERT

Irlanda

Is-Sinjura Pauline MOREAU

Is-Sur John HURLEY

Greċja

Is-Sinjura Anna MEGALOU

 

Spanja

Is-Sinjura Rosa URBÓN IZQUIERDO

Is-Sinjura Paloma LÓPEZ-IZQUIERDO BOTÍN

Franza

Is-Sinjura Stéphanie SEYDOUX

Is-Sur Alexis RINCKENBACH

Kroazja

Is-Sinjura Helena ŠTIMAC RADIN

Is-Sinjura Gordana OBRADOVIĆ DRAGIŠIĆ

Italja

Is-Sinjura Monica PARRELLA

Is-Sinjura Tiziana ZANNINI

Ċipru

Is-Sinjura Kalliope AGAPIOU-JOSEPHIDES

Is-Sur Demetris MICHAELIDES

Latvja

Is-Sinjura Diāna JAKAITE

Is-Sinjura Agnese GAILE

Litwanja

Is-Sinjura Rita ŽEMAITYTĖ-TACK

Is-Sinjura Dalia LEINARTĖ

Ungerija

Is-Sinjura Zsuzsanna GERBERNÉ FARKAS

Is-Sur Tamás Antal HEIZER

Polonja

Is-Sinjura Rita KAMEDUŁA-TOMASZEWSKA

Is-Sinjura Anna GRĘDZIŃSKA

Portugall

Is-Sinjura Maria de Fátima DUARTE

Is-Sinjura Teresa Margarida FRAGOSO

Slovenja

Is-Sinjura Maruša GORTNAR

Is-Sinjura Jasna JERAM

Żvezja

Is-Sinjura Lenita FREIDENVALL

Is-Sinjura Annika MANSNÉRUS

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

H.G.J. KAMP


(1)  ĠU L 403, 30.12.2006, p. 9.


Il-Kummissjoni Ewropea

4.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/7


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-3 ta’ Ġunju 2016

(2016/C 199/06)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1154

JPY

Yen Ġappuniż

121,47

DKK

Krona Daniża

7,4382

GBP

Lira Sterlina

0,77285

SEK

Krona Żvediża

9,2605

CHF

Frank Żvizzeru

1,1050

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,2853

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,025

HUF

Forint Ungeriż

312,44

PLN

Zloty Pollakk

4,3861

RON

Leu Rumen

4,5188

TRY

Lira Turka

3,2902

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5397

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4594

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,6683

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6287

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5351

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 322,41

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

17,3778

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,3468

HRK

Kuna Kroata

7,4958

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 146,02

MYR

Ringgit Malażjan

4,6261

PHP

Peso Filippin

51,821

RUB

Rouble Russu

74,9088

THB

Baht Tajlandiż

39,719

BRL

Real Brażiljan

3,9973

MXN

Peso Messikan

20,8803

INR

Rupi Indjan

75,0110


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


L-Awtorità Bankarja Ewropea

4.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/8


Deċiżjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea li tispeċifika r-rata ta’ referenza skont l-Anness II għad-Direttiva 2014/17/UE (Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju)

(2016/C 199/07)

IL-BORD TAS-SUPERVIŻURI TAL-AWTORITÀ BANKARJA EWROPEA

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (1) (ir-“Regolament” u l-“EBA”), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1)(j) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (2), b’mod partikolari l-Parti B, is-Sezzjoni 4, il-paragrafu (2) u s-Sezzjoni 6, il-paragrafu (4) tal-Anness II tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2014/17/UE l-informazzjoni prekuntrattwali personalizzata li għandha tingħata lill-konsumaturi qabel ma jkunu vinkolati b’xi ftehim jew offerta ta’ kreditu għandha tingħata permezz tal-Fuljett Ewropew ta’ Informazzjoni Standardizzata (“FEIS”), kif stabbilit fl-Anness II tagħha.

(2)

Skont il-paragrafu 2, is-Sezzjoni 4, u l-paragrafu 4, is-Sezzjoni 6, tal-Parti B tal-Anness II għad-Direttiva 2014/17/UE, fejn ir-rata tas-self tkun varjabbli, l-FEIS għandu jinkludi eżempju illustrattiv tar-rata perċentwali annwali tal-imposti u eżempju illustrattiv tal-ammont massimu ta’ pagament akkont. Fejn ma jkunx hemm limitu fuq ir-rata ta’ self u l-kreditur ma jużax rata ta’ referenza esterna, il-kalkolu ta’ dawn iż-żewġ eżempji illustrattivi għandu jkun ibbażat fuq rata ta’ referenza speċifikata minn awtorità kompetenti jew mill-EBA (ir-“rata ta’ referenza tal-EBA”).

(3)

Ir-rata ta’ referenza tal-EBA għandha tkun sempliċi, faċli biex tintuża u tkun rappreżentattiva. L-ispeċifikazzjoni tar-rata permezz ta’ formola għandha tiżgura li r-rata tibqa’ rappreżentattiva maż-żmien u għandha tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi nazzjonali. Il-formula għandha tkun limitata għal għadd ta’ data pubblikament disponibbli sabiex jiġi żgurat li tkun faċli biex tintuża u sempliċi.

(4)

Il-perjodi ta’ żmien għar-rata sottostanti għandhom isegwu l-perjodi ta’ żmien stabbiliti fl-Anness II għad-Direttiva 2014/17/UE għal dawk ix-xenarji fejn tintuża rata ta’ referenza esterna għall-kalkolu tar-rata tas-self. Għalhekk, ir-rata ta’ referenza tal-EBA għandha tkun ibbażata fuq rata sottostanti għall-20 sena ta’ qabel il-kreditur jagħti l-FEIS lill-konsumatur.

(5)

Biex tkun rappreżentattiva, il-formola għandha tiddependi minn rata sottostanti rilevanti għall-Istat Membru li fih l-FEIS jingħata lill-konsumatur. Ir-rata sottostanti għandha tkun ir-rata ewlenija ta’ rifinanzjament tal-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) għall-Istati Membri li għandhom il-Euro bħala l-munita tagħhom, u r-rata ta’ rifinanzjament tal-bank ċentrali nazzjonali (jew rata ċentrali nazzjonali ekwivalenti) għall-Istati Membri l-oħra. Dawn ir-rati għandhom jipproduċu rata ta’ referenza li hija rappreżentattiva tas-suq ipotekarju lokali; u data storika kompleta dwar dawk ir-rati hija disponibbli għall-Istati Membri kollha. Madankollu, peress li d-data storika dwar ir-rata ewlenija ta’ rifinanzjament tal-BĊE hija disponibbli biss mill-1 ta’ Jannar 1999, id-data l-aktar bikrija tal-bidu tal-perjodu storiku għandha tiġi stabbilita fl-1 ta’ Jannar 1999. Id-data l-aktar bikrija tal-bidu għandha tapplika għall-FEISs li jiġu pprovduti fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat li jintuża l-istess perjodu ta’ żmien storiku fl-Unjoni Ewropea kollha.

(6)

Il-formula għandha tirrikonoxxi li r-rata tas-self sejra tirrifletti parzjalment l-ispejjeż ta’ finanzjament, li għaliha l-informazzjoni dwar ir-rata ta’ rifinanzjament hija indikatur, billi titqies ukoll ir-rata l-aktar sottostanti baxxa matul l-20 sena preċedenti.

(7)

Peress li l-formula tagħmel parti minn eżempju illustrattiv, huwa biżżejjed li l-kredituri jaġġornaw ir-rata sottostanti fuq bażi annwali.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li, f’kull Stat Membru, il-kredituri jużaw l-istess differenza bejn l-ogħla u l-aktar valuri baxxi tar-rata sottostanti, il-kalkolu tar-rata ta’ referenza tal-EBA għandu jsir billi tintuża l-istess data ta’ referenza li għandha tkun l-ewwel jum ta’ xogħol ta’ kull sena.

(9)

Sabiex jiġi żgurat li l-eżempji illustrattivi jirriflettu ċ-ċirkostanzi lokali, m’għandhiex tintuża r-rata ta’ referenza tal-EBA, fejn awtorità kompetenti tkun speċifikat rata ta’ referenza, ir-rata ta’ referenza speċifikata f’din id-deċiżjoni ma għandhiex tapplika.

(10)

L-EBA wettqet konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-abbozz tad-deċiżjoni dwar rata ta’ referenza tal-EBA, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ir-rata ta’ referenza msemmija fil-Parti B, is-Sezzjoni 4, il-paragrafu (2) u fis-Sezzjoni 6, il-paragrafu (4) tal-Anness II għad-Direttiva 2014/17/UE (ir-rata ta’ referenza tal-EBA) speċifikata mill-EBA hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula f’Londra, il-21 ta’ Marzu 2016.

Andrea ENRIA

President

Għall-Bord tas-Superviżuri


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(2)  ĠU L 60, 28.12.2014, p. 34.


ANNESS

Ir-rata ta’ referenza tal-EBA skont l-Anness II għad-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju (2014/17/UE)

1.

Dan id-dokument jistabbilixxi r-rata ta’ referenza speċifikata mill-EBA msemmija fil-Parti B, Sezzjoni 4, il-paragrafu (2) u fis-Sezzjoni 6, il-paragrafu (4) tal-Anness II għad-Direttiva 2014/17/UE (1) (“ir-rata ta’ referenza tal-EBA”).

2.

Il-kredituri għandhom jużaw ir-rata ta’ referenza tal-EBA għall-kalkolu tal-eżempju illustrattiv tar-Rata Perċentwali Annwali ta’ Imposti (RPAI) u l-illustrazzjoni ta’ ammont massimu ta’ pagament akkont rispettivament, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk il-paragrafi u għall-inklużjoni fis-Sezzjoni 4 u fis-Sezzjoni 6 tal-Fuljett Ewropew ta’ Informazzjoni Standardizzata (“FEIS”) kif imsemmi fl-Anness II għad-Direttiva 2014/17/UE.

3.

Ir-rata ta’ referenza tal-EBA għandha tapplika biss fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ma tkunx speċifikat rata ta’ referenza.

4.

Il-formula għall-kalkolu tar-rata ta’ referenza tal-EBA hija:

Formula

Għal ftehimiet ta’ kreditu li għalihom l-FEIS jiġi pprovdut fi Stati Membri li għandhom l-Euro bħala l-munita tagħhom:

HR = L-ogħla valur tar-rata Ewlenija ta’ Rifinanzjament tal-BĊE fil-perjodu ta’ 20-sena (jew il-perjodu massimu disponibbli jekk dan ikun iqsar) qabel id-data li l-kreditur għandu juża biex jikkalkula d-differenza tal-(HR-LR) li għandha tintuża fil-formula kif stabbilit fil-paragrafi 6 u 7.

LR = Il-valur l-aktar baxx tar-rata Ewlenija ta’ Rifinanzjament tal-BĊE fil-perjodu ta’ 20 sena (jew il-perjodu massimu disponibbli jekk dan ikun iqsar) qabel id-data li l-kreditur għandu juża biex jikkalkula d-differenza tal-(HR-LR) li għandha tintuża fil-formula kif stabbilit fil-paragrafi 6 u 7.

BR = Ir-rata ta’ self applikabbli għall-ftehim ta’ kreditu matul l-itwal perjodu magħruf fiż-żmien li fih jingħata l-FEIS.

Għal ftehimiet ta’ kreditu li għalihom l-FEIS jiġi pprovdut fi Stati Membri oħra:

HR = L-ogħla valur tar-rata ta’ rifinanzjament tal-bank ċentrali nazzjonali (jew rata ekwivalenti tal-bank ċentrali nazzjonali) fil-perjodu ta’ 20 sena (jew il-perjodu massimu disponibbli jekk dan ikun iqsar) qabel id-data li l-kreditur għandu juża biex jikkalkula d-differenza tal-(HR-LR) li għandha tintuża fil-formula kif stabbilit fil-paragrafi 6 u 7.

LR = Il-valur l-aktar baxx tar-rata ta’ rifinanzjament tal-bank ċentrali nazzjonali (jew rata ekwivalenti tal-bank ċentrali nazzjonali) fil-perjodu ta’ 20 sena (jew il-perjodu massimu disponibbli jekk dan ikun iqsar) qabel id-data li l-kreditur għandu juża biex jikkalkula d-differenza tal-(HR-LR) li għandha tintuża fil-formula kif stabbilit fil-paragrafi 6 u 7.

BR = Ir-rata ta’ self applikabbli għall-ftehim ta’ kreditu matul l-itwal perjodu magħruf fiż-żmien li fih jingħata l-FEIS.

5.

Il-perjodu ta’ 20 sena qabel l-FEIS jingħata lill-konsumatur ma għandux jibda qabel l-1 ta’ Jannar 1999.

6.

Il-kalkolu tal-(HR-LR) għandu jsir darba kull sena kalendarja, fl-ewwel jum ta’ xogħol tagħha, bl-eċċezzjoni tas-sena tad-dħul fis-seħħ tal-MCD, meta l-kalkolu għandu jsir fil-21 ta’ Marzu 2016. Il-kalkolu għandu jintuża għall-FEISs li jingħataw lill-konsumaturi matul l-istess sena kalendarja.

7.

Il-varjabbli HR u LR huma bbażati fuq ir-rati sottostanti li japplikaw fl-Istat Membru li fih il-kreditur jipprovdi l-FEIS lill-konsumatur.

HR u LR — ir-rati ta’ rifinanzjament rilevanti tal-bank ċentrali nazzjonali jew ir-rati ekwivalenti

8.

Għall-finijiet tal-kalkolu tar-rata ta’ referenza tal-EBA għal FEIS li jingħata fi Stat Membru, li għandu munita oħra li mhijiex l-Euro, ir-rati ta’ rifinanzjament tal-bank ċentrali nazzjonali jew ir-rati ekwivalenti tal-bank ċentrali nazzjonali huma kif ġej:

Stat Membru

L-isem tar-rata rilevanti tal-bank ċentrali nazzjonali fi Frar 2016

Il-Bulgarija

Ir-Rata Bażi tal-Bank Nazzjonali Bulgaru

Ir-Repubblika Ċeka

Ir-Rata Repo tal-Bank Nazzjonali Ċek

Id-Danimarka

Ir-Rata Tomorrow/Next (T/N), kif tidher bħala referenza fis-sit web tal-Bank Nazzjonali tad-Danimarka

Il-Kroazja

Ir-Rata Lombard tal-Bank Nazzjonali Kroat

L-Ungerija

Ir-Rata Bażi tal-Bank Ċentrali tal-Bank Ċentrali tal-Ungerija

Il-Polonja

Ir-Rata ta’ Referenza tan-Narodowy Bank Polski

Ir-Rumanija

Ir-Rata tal-Politika Monetarja tal-Banca Naţională a României

L-Isvezja

Ir-Rata ta’ Referenza tas-Sveriges Riksbank

Ir-Renju Unit

Ir-Rata Uffiċjali tal-Bank tal-Bank of England


(1)  Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34).


V Avviżi

PROĊEDURI TAL-QORTI

Qorti tal-EFTA

4.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/12


Talba għal Opinjoni Konsultattiva mill-Qorti tal-EFTA magħmula minn Héraðsdómur Reykjavíkur, datata t-22 ta' Mejju 2015 fil-kawża ta' Ferskar kjötvörur ehf. vs l-Istat tal-Iżlanda

(Il-Kawża E-17/15)

(2016/C 199/08)

Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Mejju 2015, saret talba lill-Qorti tal-EFTA minn Héraðsdómur Reykjavíkur (il-Qorti Distrettwali ta’ Reykjavik) li waslet għand ir-Reġistru tal-Qorti fis-16 ta' Ġunju 2015, għal Opinjoni Konsultattiva fil-kawża Ferskar kjötvörur ehf. v l-Istat tal-Iżlanda, dwar il-mistoqsijiet li ġejjin:

1.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE, kif definit fl- Artikolu 8 tiegħu, jimplika li Stat Membru tal-Ftehim għandu diskrezzjoni rigward l-istabbiliment ta’ regoli dwar l-importazzjoni ta’ prodotti tal-laħam nej u f’dan ir-rigward, huwa mhux marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim u l-atti bbażati fuqhom?

2.

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fin-negattiv, tqum il-kwistjoni dwar jekk huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE li Stat Membru tal-Ftehim ŻEE għandu jistabbilixxi regoli li jeżiġu li importatur ta’ prodotti tal-laħam nej japplika għal permess speċjali qabel ma l-prodotti jiġu importati, u jeħtieġ is-sottomissjoni, għal dan l-għan, ta’ dikjarazzjoni ta’ importazzjoni, informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini u produzzjoni, it-tip ta’ prodott u l-produttur, u ċ-ċertifikati meħtieġa, inkluż ċertifikat li jikkonferma li l-prodotti jkunu ġew maħżuna ffriżati għal ċertu perjodu qabel l-approvazzjoni doganali.

3.

Il-qorti nazzjonali titlob l-opinjoni tal-Qorti dwar jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill humiex rilevanti sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda.

4.

Wara t-tieni u t-tielet domandi, qed tintalab risposta għad-domanda ta’ jekk din tikkostitwixxix ostaklu tekniku għall-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 18 taż-ŻEE jekk Stat taż-ŻEE jistabbilixxi regoli taħt liema l-importazzjoni lejn dak l-Istat ta’ prodotti tal-laħam nej mhux permess.

5.

Opinjoni hija mitluba dwar jekk dan jaffettwax ir-risposta għar-raba’ domanda, jekk hux permess, skont ir-regoli tal-Istat tad-destinazzjoni, li jingħataw eċċezzjonijiet mill-projbizzjoni ġenerali msemmija f’din id-domanda.

6.

Jekk ir-risposta għar-raba’ u/jew il-ħames mistoqsija hija fl-affermattiv, qed tintalab imbagħad risposta għall-mistqosija dwar f’liema każijiet tali projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ prodotti tal-laħam nej, b’kont meħud kif xieraq, taċ-ċirkostanzi deskritti fil-ħames domanda, tkun tista' titqies bħala ġustifikabbli b’referenza mal-Artikolu 13 taż-ŻEE. Barra minn hekk, qed tintalab risposta għall-kwistjoni dwar liema rekwiżiti għandhom isiru fir-rigward ta’ prova f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni tal-liġi taż-ŻEE.


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

4.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/13


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8041 — M&G/Anchorage/PHS Group Investments)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 199/09)

1.

Fis-27 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriżi Anchorage Capital Group, L.L.C. (“Anchorage”, l-Istati Uniti tal-Amerika) u l-fondi ġestiti minn M&G Alternatives Investment Management Limited (“MGAIM”, ir-Renju Unit) u M&G Investment Management Limited (“MGIM”, ir-Renju Unit), bażikament ikkontrollata minn Prudential plc (ir-Renju Unit), jakkwistaw fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt tal-impriża PHS Group Investments Limited kollha kemm hi (“PHS”, ir-Renju Unit) permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal MGAIM u MGIM: MGAIM u MGIM huma sussidjarji li huma kompletament proprjetà ta’ Prudential plc, grupp internazzjonali tal-assigurazzjoni bis-sede tiegħu f’Londra, ir-Renju Unit, u huma parti mid-diviżjoni tal-ġestjoni tal-investimenti ta’ Prudential plc fl-Ewropa,

—   għal Anchorage: Anchorage hija konsulent tal-investimenti rreġistrata bbażata fi New York u li twaqqfet fl-2003. Il-kumpanija tiġġestixxi fondi ta’ investimenti privati fil-kreditu, f’sitwazzjonijiet speċjali u fi swieq tal-investiment illikwidu fl-Amerika ta’ Fuq u fl-Ewropa, b’attenzjoni partikolari fuq l-emittenti inadempjenti u megħjuna,

—   għal PHS: PHS hija bbażata fir-Renju Unit li tipprovdi servizzi fil-post tax-xogħol speċjalizzati fis-servizzi tal-iġjene u provvisti tal-iġjene. Is-servizzi ewlenin tagħha jinkludu servizzi washroom, kura tat-twapet u l-art, kiri ta’ pjanti, tqattigħ ta’ dokumenti, u ttestjar tal-konformità għal klijenti kummerċjali. Minbarra r-Renju Unit, PHS hija attiva fl-Irlanda u fi Spanja.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta’ referenza M.8041 — M&G/Anchorage/PHS Group Investment, f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


4.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/14


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8039 — Freudenberg/Vibracoustic)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 199/10)

1.

Fit-30 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha Freudenberg & Co KG (“Freudenberg”, il-Ġermanja) takkwista fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll uniku ta’ Vibracoustic GmbH (“Vibracoustic”, il-Ġermanja) permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Freudenberg hija attiva fit-teknoloġija tas-siġilli u l-kontroll tal-vibrazzjoni, materjali mhux minsuġin u filtrazzjoni, prodotti u speċjalitajiet tad-dar u oħrajn. Prinċipalment hija tforni prodotti intermedji għall-ipproċessar ulterjuri jew għall-manifattura ta’ oġġetti finali,

Vibracoustic hija attiva fil-qasam tat-teknoloġija tal-kontroll tal-vibrazzjoni fil-karozzi. Hija tforni lill-manifatturi tal-vetturi tal-passiġġieri, manifatturi ta’ vetturi kummerċjali u fornituri ta’ grad 1 b’komponenti li jimmiraw lejn it-tnaqqis tal-ħsejjes u l-vibrazzjonijiet.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-e-Mail lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta’ referenza M.8039 — Freudenberg/Vibracoustice, f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


4.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/15


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8049 — TPG Capital/Partners Group/TH Real Estate Portfolio)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 199/11)

1.

Fit-30 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriżi TPG Capital (“TPG”, l-Istati Uniti tal-Amerika) u Partners Group (“Partners Group”, l-Iżvizzera) jakkwistaw fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt ta’ ħames ċentri kummerċjali u parks tal-ħwienet fi Spanja u l-Italja (“l-Assi fil-Mira”) permezz tax-xiri ta’ ishma f’kumpanija ġdida li tikkostitwixxi impriża konġunta (joint venture, JV).

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal TPG: hija ditta ta’ investiment privat li tiġġestixxi familja ta’ fondi li jinvestu f’varjetà ta’ kumpaniji permezz ta’ akkwisti u ristrutturar korporattiv. TPG hi bbażata f’San Francisco, l-Istati Uniti tal-Amerika,

—   għal Partners Group: hija ditta ta’ ġestjoni tas-swieq privati. Hija tagħmel investimenti fl-ekwità u d-dejn ta’ kumpaniji privati, proprjetà immobbli, u proġetti tal-infrastruttura madwar id-dinja kollha. Hija tipprovdi servizzi ta’ investiment kemm għal investituri istituzzjonali u kemm dawk privati. Il-kwartieri ġenerali ta’ Partners Group jinsabu f’Baar, l-Iżvizzera,

—   Target Assets jikkonsistu fi: (1) Centro Navile Retail Park, f’Bologna, l-Italja; (2) Metropolis Shopping Centre, f’Rende, l-Italja; (3) L’Aljub Shopping Centre, f’Elche, Spanja; (4) Miramar Retail Park, f’Fuengirola, Spanja u (5) Miramar Shopping Centre, f’Fuengirola, Spanja.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-e-Mail lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta’ referenza M.8049 — TPG Capital/Partners Group/TH Real Estate Portfolio, f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.