ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 197A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
3 ta' Ġunju 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 197A/01

Post vakanti għall-kariga ta' Membru tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fil-grad AD 14 (Konsulent Prinċipali) — Is-Segretarjat Ġenerali — Ingaġġ ta’ Aġent Temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra — COM/2016/10367

1


 

Rettifika

2016/C 197A/02

Rettifika tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit – Pubblikazzjoni ta’ post battal għall-kariga ta' Konsulent Prinċipali (Grad AD14) Brussell – (l-Artikolu 29, paragrafu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal) – COM/2016/10366 ( ĠU C 188 A, 27.5.2016 )

5


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

3.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 197/1


Post vakanti għall-kariga ta' Membru tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fil-grad AD 14 (Konsulent Prinċipali)

Is-Segretarjat Ġenerali

Ingaġġ ta’ Aġent Temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra

COM/2016/10367

(2016/C 197 A/01)

 

Min aħna

Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)3263 u ilu operattiv mill-1 ta' Lulju 2015. L-RSB ħa post il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt u jikkontribwixxi għall-Politika ta' Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni billi jiskrutinizza l-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt, l-evalwazzjonijiet ex post, il-kontrolli tal-idoneità u jagħti opinjonijiet dwar l-abbozzi ta' rapporti relatati. It-testi ppreżentati lill-RSB fil-biċċa l-kbira jiġu abbozzati u diskussi bl-Ingliż.

L-RSB għandu sitt membri flimkien ma' President (fil-livell ta' Direttur Ġenerali). Il-membri tal-RSB huma mistennija li jaħdmu full-time għall-RSB. Tliet membri tal-RSB jiġu minn barra s-servizzi tal-Kummissjoni filwaqt li t-tlieta l-oħra jiġu mill-Kummissjoni Ewropea. Il-membri esterni tal-Bord jiġu reklutati fuq il-bażi tal-għarfien akkademiku espert tagħhom evidenzjat fil-valutazzjoni tal-impatt, l-evalwazzjoni ex post, u l-politika regolatorja b'mod ġenerali, fejn ikopru l-makroekonomija, il-mikroekonomija u l-politiki soċjali u ambjentali.

Kull membru tal-RSB jservi għal perjodu fiss ta' tliet snin, li ma jiġġeddidx u jaħdem full-time għall-Bord. Il-membri kollha tal-RSB amministrattivament jaqgħu taħt is-Segretarjat Ġenerali. Huma soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal li jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-uffiċjali u tal-impjegati l-oħra tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-kodiċi tal-Kummissjoni dwar l-imġiba amministrattiva tajba. Dawn jistabbilixxu regoli stretti dwar l-etika, il-kunfidenzjalità u l-kunflitti ta' interess li huma partikolarment rilevanti u importanti għall-attivitajiet tal-RSB. F'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal, il-membri tal-Bord jistgħu, fost l-oħrajn, jippubblikaw dokumenti matul il-perjodu tal-kariga tagħhom, sakemm dan ma jinterferixxix mal-mandat tagħhom.

Nipproponu

Pożizzjoni impenjattiva bħala Membru tal-Bord ta' Skrutinju Regolatorju b'doveri speċifiċi li:

tivvaluta l-kwalità tal-abbozzi ta' rapporti dwar l-evalwazzjonijiet u l-kontrolli tal-idoneità ta' politiki eżistenti u tabbozza rapporti ta' valutazzjoni tal-impatt imħejjija mis-servizzi tal-Kummissjoni bħala appoġġ għal inizjattivi politiċi ġodda;

tikkontribwixxi għat-tħejjija tal-opinjonijiet dwar l-abbozzi ta' rapporti tal-valutazzjonijiet tal-impatt, tal-evalwazzjoni u tal-kontrolli tal-idoneità tas-servizzi tal-Kummissjoni u tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jittejbu;

taħt il-gwida tal-President, toffri pariri lis-servizzi individwali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-linji gwida rilevanti f'valutazzjonijiet/evalwazzjonijiet partikolarment diffiċli u dwar kwistjonijiet ta' metodoloġija, meta rilevanti.

X'qegħdin infittxu (kriterji tas-selezzjoni):

Il-kandidat li jintgħażel irid juri:

għarfien u kompetenza ppruvati fil-qasam tal-politika regolatorja, il-proċessi u l-metodoloġiji tal-valutazzjoni tal-impatt jew tal-evalwazzjoni ex post, kif ippruvat b'rekord akkademiku solidu li jintwera, b'mod partikolari, permezz ta' pubblikazzjonijiet rilevanti,

għarfien tajjeb ħafna tal-politiki tal-UE u tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, inkluża l-politika tal-Kummissjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar,

ħiliet analitiċi tajba b'kapaċità tajba ħafna għal riflessjoni strateġika;

għarfien espert speċifiku f'wieħed jew f'aktar oqsma milli ġejjin: il-makroekonomija, il-mikroekonomija; il-politika soċjali; u l-politika ambjentali,

ħila tajba ħafna li jorganizza, jikkoordina u jimmaniġġja kompiti u relazzjonijiet tax-xogħol,

ħiliet ta' komunikazzjoni orali u bil-miktub eċċellenti sabiex jikkollega, jikkomunika u jikkoopera b'mod effiċjenti u fluwenti mal-partijiet konċernati interni u esterni.

Il-kandidati jridu jkunu (il-kriterji tal-eliġibbiltà)

Il-kandidati jiġu kkunsidrati għall-fażi tas-selezzjoni abbażi tal-kriterji formali li ġejjin li jridu jiġu ssodisfati sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet.

Nazzjonalità: Il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Lawrja jew diploma universitarja: Il-kandidati jrid ikollhom:

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti ċċertifikati b’diploma fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' erba' snin jew aktar;

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti ċċertifikati b'diploma u esperjenza professjonali xierqa ta' mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta' edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet snin (din is-sena ta' esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali postgradwatorja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza professjonali: il-kandidati jrid ikollhom minn tal-inqas 15-il sena esperjenza professjonali postgradwatorja f'livell li jagħtu aċċess għalih il-kwalifiki msemmija hawn fuq.

Mill-inqas ħames snin minn dik l-esperjenza professjonali jridu jkunu ġew akkwistati f'funzjoni ta' konsulenza ta' livell għoli u jridu jkunu direttament relatati ma' qasam li jkun rilevanti għal din il-pożizzjoni.

Lingwi: ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1) u għarfien adegwat ta' lingwa uffiċjali oħra minnhom.

Età massima: ma jkunux għadhom laħqu l-età regolari tal-irtirar, li għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hi definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tkun għalqet is-66 sena (ara l-Art. 52(a) tar-Regolamenti tal-Persunal) (2).

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Qabel jibdew jaqdu dmirijiethom, il-kandidati jintalbu jagħmlu dikjarazzjoni tal-impenn tagħhom li jaġixxu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku kif ukoll ta' kull interess li jista' jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

Selezzjoni u ħatra

Il-Kummissjoni Ewropea se tagħżel u tingaġġa lill-Konsulent Prinċipali skont il-proċeduri ta' selezzjoni u reklutaġġ tagħha (ara wkoll id-Dokument ta' Kumpilazzjoni dwar il-Politika għall-Uffiċjali b'Kariga Għolja (3)). Bħala parti minn dan il-proċess ta' selezzjoni, il-kandidati li jissejħu għal intervista mill-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni għall-Ħatriet ikollhom, qabel din l-intervista, jattendu ċentru ta' valutazzjoni mmexxi minn konsulenti esterni ta' reklutaġġ.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista' jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll tal-istituzzjoni, il-proċedura tas-selezzjoni se ssir biss bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż (4).

Is-salarju u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma dawk elenkati fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Impjegati l-Oħra għal aġenti temporanji li jokkupaw funzjoni li tikkorrispondi mal-pożizzjoni bażika ta' Konsulent Prinċipali fil-grad AD14 tal-Unjoni Ewropea. Din hija kariga temporanja għal tliet snin li ma tiġġeddidx.

L-applikanti għandhom ikunu jafu li skont il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra kull membru ġdid tal-persunal irid jgħaddi b'suċċess perjodu ta' prova ta' disa' xhur.

Il-post tal-impjieg se jkun Brussell.

Opportunitajiet indaqs

Il-Kummissjoni Ewropea tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs u ta' nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

Proċedura ta' applikazzjoni

Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b'attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji kollha tal-eliġibbiltà (“Il-kandidati jridu”), b'mod partikolari fir-rigward tat-tip ta' diplomi u l-esperjenza professjonali u ta' konsulenza ta' livell għoli kif ukoll il-ħiliet lingwistiċi meħtieġa. Min ma jissodisfax xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tas-selezzjoni.

Jekk tixtieq tapplika, trid tirreġistra permezz tal-internet billi tmur fil-websajt:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

u ssegwi l-istruzzjonijiet li hemm dwar l-istadji differenti tal-proċedura.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan l-indirizz jintuża biex tiġi identifikata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jinżamm kuntatt miegħek matul il-proċess tas-selezzjoni. Għalhekk, jekk jogħġbok informa lill-Kummissjoni b'kull bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella' CV fil-format PDF u li timla onlajn ittra ta' motivazzjoni (massimu ta' 8 000 karattru). Kemm is-CV kif ukoll l-ittra ta' motivazzjoni jridu jkunu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Meta tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek, inti tirċievi fuq l-iskrin numru tar-reġistrazzjoni li għandek tiktbu u tiftakru – dan ikun in-numru ta' referenza tiegħek f'kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek.

Meta tirċievi dan in-numru, il-proċess tar-reġistrazzjoni jkun intemm – in-numru huwa l-konferma li d-dejta tiegħek ġiet irreġistrata.

Jekk ma tirċivix numru l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Jekk jogħbok kun af li mhuwiex possibbli li timmonitorja l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti tiġi kkuntattjat dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek direttament mill-Kummissjoni Ewropea.

Jekk għandek xi diżabbiltà li minħabba fiha ma jkunx possibbli għalik li tirreġistra onlajn, tista’ tibgħat l-applikazzjoni tiegħek (is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni) bil-miktub bil-posta rreġistrata f'dan l-indirizz: European Commission, Directorate-General for Human Resources and Security, Unit for Senior Management & CCA, SC11 8/59, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË, u indika b'mod ċar bħala referenza: Vacancy for a Member of the Regulatory Scrutiny Board (COM/2016/10367), u l-ittra trid tkun ittimbrata mhux aktar tard mid-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni tkun bil-posta. F'dan il-każ, mal-applikazzjoni tiegħek trid tehmeż ċertifikat maħruġ minn entità rikonoxxuta li jiċċertifika d-diżabbiltà tiegħek. Għandek tispjega wkoll, fuq karta separata, kull arranġament speċjali li taħseb li jkun meħtieġ biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tiegħek fis-selezzjoni.

Għal aktar tagħrif u/jew fil-każ ta' problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat imejl lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija l-1 ta' Lulju 2016, f'nofsinhar (12.00) ħin ta' Brussell, u wara dan ma jkunux jistgħu jsiru aktar reġistrazzjonijiet onlajn.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek fil-ħin. Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira fuq l-internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista' tibdel jew iżżid xi dejta. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Informazzjoni importanti għall-applikanti

L-applikanti huma mfakkra li x-xogħol tal-kumitati ta' selezzjoni huwa kunfidenzjali. Kull kuntatt, dirett jew indirett, mill-kandidati jew minn xi ħadd ieħor li jaġixxi f'isimhom, mal-kumitat tas-selezzjoni huwa pprojbit.

Protezzjoni tad-dejta personali

Il-Kummissjoni tiżgura li d-dejta personali tal-kandidati tiġi pproċessata f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (5).


(1)  http://ec.europa.eu/languages/policy/language-policy/official_languages_en.htm

(2)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

(3)  http://ec.europa.eu/civil_service/docs/official_policy_mt.pdf

(4)  Il-bord tas-selezzjoni se jiżgura li ma jingħata l-ebda vantaġġ inġust lill-kelliema nattivi ta' dawn il-lingwi.

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Rettifika

3.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 197/5


Rettifika tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit – Pubblikazzjoni ta’ post battal għall-kariga ta' Konsulent Prinċipali (Grad AD14) Brussell – (l-Artikolu 29, paragrafu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal) – COM/2016/10366

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 188 A tas-27 ta’ Mejju 2016 )

(2016/C 197 A/02)

F’paġna 4, taħt “Id-data tal-għeluq”:

minflok:

“Id-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni hi l-24 ta’ Ġunju 2016. Ir-reġistrazzjoni online ma tkunx possibbli wara 12.00 p.m. (nofsinhar) ħin ta’ Brussell.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek fil-ħin. Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għall-preżentazzjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista' tibdel jew iżżid xi dejta. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.”,

aqra:

“Id-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni hi l-1 ta’ Lulju 2016. Ir-reġistrazzjoni online ma tkunx possibbli wara 12.00 p.m. (nofsinhar) ħin ta’ Brussell.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek fil-ħin. Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għall-preżentazzjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista' tibdel jew iżżid xi dejta. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.”