ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 186

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
25 ta' Mejju 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 186/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7772 — Western Digital/Sandisk) ( 1 )

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 186/02

Rata tal-kambju tal-euro

2

 

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

2016/C 186/03

Rapport Speċjali Nru 8/2016 — It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE: għadu mhux fit-triq it-tajba

3

 

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

2016/C 186/04

Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni Preliminari tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali li għandha x’taqsam mal-prevenzjoni, mal-investigazzjoni, mal-kxif u mal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali

4

2016/C 186/05

Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar ir-Rekords Kriminali (ECRIS, European Criminal Records Information System)

7

2016/C 186/06

Sommarju Eżekuttiv tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar ir-Regolament propost dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta

10


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 186/07

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8024 — NTT Data International/IT Services Business of Dell) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

13

2016/C 186/08

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Il-Każ M.8048 — Ardagh/Ball Rexam Divestment Business) — Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

14

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 186/09

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

15


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

25.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7772 — Western Digital/Sandisk)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 186/01)

Fl-4 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32016M7772. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

25.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/2


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-24 ta’ Mejju 2016

(2016/C 186/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1168

JPY

Yen Ġappuniż

122,56

DKK

Krona Daniża

7,4365

GBP

Lira Sterlina

0,76513

SEK

Krona Żvediża

9,3060

CHF

Frank Żvizzeru

1,1079

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,3355

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,025

HUF

Forint Ungeriż

316,00

PLN

Zloty Pollakk

4,4358

RON

Leu Rumen

4,5083

TRY

Lira Turka

3,3035

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5597

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4684

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,6743

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6604

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5445

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 329,32

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

17,4501

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,3226

HRK

Kuna Kroata

7,4950

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 278,26

MYR

Ringgit Malażjan

4,5959

PHP

Peso Filippin

52,267

RUB

Rouble Russu

74,4262

THB

Baht Tajlandiż

39,914

BRL

Real Brażiljan

3,9639

MXN

Peso Messikan

20,5852

INR

Rupi Indjan

75,5780


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

25.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/3


Rapport Speċjali Nru 8/2016

“It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE: għadu mhux fit-triq it-tajba”

(2016/C 186/03)

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri b’dan tinfurmak li r-Rapport Speċjali Nru 8/2016 “It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE: għadu mhux fit-triq it-tajba” għadu kif ġie ppubblikat.

Ir-rapport jista’ jiġi kkonsultat jew imniżżel mis-sit web tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: http://eca.europa.eu jew mill-EU Bookshop: https://bookshop.europa.eu


Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

25.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/4


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni Preliminari tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali li għandha x’taqsam mal-prevenzjoni, mal-investigazzjoni, mal-kxif u mal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq il-websajt tal-KEPD www.edps.europa.eu)

(2016/C 186/04)

Din l-Opinjoni tibni fuq l-obbligu ġenerali li l-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u r-rispett għad-drittijiet fundamentali li jinsab fil-qalba tal-liġi tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-valutazzjoni hija magħmula b’tali mod li tanalizza l-konformità tal-kontenut tal-Ftehim Komprensiv (Umbrella Agreement) mal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 16 TFUE sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali.

SOMMARJU EŻEKUTTIV

L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità hija għan politiku leġittimu, u l-kooperazzjoni internazzjonali inkluż l-iskambju tal-informazzjoni saru iktar importanti minn qatt qabel. S’issa, l-UE kienet nieqsa minn qafas komuni robust f’dan il-qasam u għalhekk m’hemm l-ebda salvagwardja konsistenti għad-drittijiet u għal-liberatajiet fundamentali tal-individiwi. Kif il-KEPD ilu jargumenta, l-UE teħtieġ arranġamenti sostenibbli għall-kondiviżjoni tad-data personali ma’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi, kompatibbli b’mod sħiħ mat-Trattati tal-UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Għalhekk, aħna nilqgħu u nappoġġaw b’mod attiv l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tilħaq l-ewwel “Ftehim Komprensiv”, mal-Istati Uniti. Dan il-ftehim internazzjonali ta’ infurzar tal-liġi jimmira li jistabbilixxi għall-ewwel darba, il-protezzjoni tad-data bħala l-bażi għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Filwaqt li aħna nirrikonoxxu li mhuwiex possibbli li jiġu replikati għal kollox it-terminoloġija u d-definizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fi ftehim ma’ pajjiż terz, is-salvagwardji għall-individwi għandhom ikunu ċari u effettivi sabiex jikkonformaw kompletament mal-liġi primarja tal-Unjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea f’dawn l-aħħar snin, affermat prinċipji tal-protezzjoni tad-data inklużi l-korrettezza, l-eżattezza u r-rilevanza tal-informazzjoni, is-sorveljanza indipendenti u d-drittijiet individawli tal-individwi. Dawn il-prinċipji huma rilevanti għall-korpi pubbliċi daqskemm huma għall-kumpaniji privati, irrispettivament minn kwalunkwe sejba ta’ adegwatezza formali tal-UE fir-rigward tas-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data tal-pajjiżi terzi; fil-fatt dawn isiru dejjem iktar importanti meta titqies is-sensittività tad-data meħtieġa għal investigazzjoni kriminali.

Din l-Opinjoni timmira li tipprovdi parir kostruttiv u oġġettiv lill-istituzzjonijiet tal-UE waqt li l-Kummissjoni tiffinalizza dan il-kompitu delikat, b’ramifikazzjonijiet wesgħin, mhux biss għall-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi UE-US iżda wkoll għal ftehimiet internazzjonali futuri. Il-“Ftehim Komprensiv” huwa separat minn iżda għandu jiġi kkunsidrat flimkien mat-“Tarka tal-Privatezza” (Privacy Shield) tal-UE-US imħabbra reċentament dwar it-trasferiment ta’ informazzjoni personali fl-ambjent kummerċjali. Jista’ jkun hemm bżonn ta’ aktar konsiderazzjonijiet biex tiġi analizzata l-interazzjoni bejn dawn iż-żewġ strumenti u r-riforma tal-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE.

Qabel ma l-Ftehim jiġi sottomess għall-kunsens tal-Parlament, aħna nħeġġu lill-Partijiet biex jikkunsidraw b’attenzjoni l-iżviluppi sinifikanti minn Settembru li għadda, meta indikaw l-intenzjoni tagħhom li jikkonkludu l-Ftehim ladarba jgħaddi l-Att ta’ Rimedju Ġudizzjarju. Ħafna salvagwardji diġà previsti huma milqugħin, iżda għandhom jiġu msaħħa, anki fid-dwal tas-sentenza ta’ Schrems f’Ottubru li invalidat id-Deċiżjoni ta’ Port Salv u l-ftehim politiku tal-UE dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-data f’Diċembru, li tkopri t-trasferimenti u l-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizja.

Il-KEPD identifika tliet titjibiet essenzjali li hu jirrakomanda għat-test sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Karta u mal-Artikolu 16 tat-Trattat:

kjarifika li s-salvagwardji kollha japplikaw għall-individwi kollha, mhux biss għaċ-ċittadini tal-UE;

żgurar li d-dispożizzjonijiet ta’ rimedju ġudizzjarju huma effettivi fis-sens tal-Karta;

kjarifika li t-trasferimenti ta’ data sensittiva f’lott mhumiex awtorizzati.

L-Opinjoni toffri rakkomandazzjonijiet addizzjonali għall-kjarifika tas-salvagwardji previsti permezz ta’ dokument ta’ spjegazzjoni ta’ appoġġ. Aħna nibqgħu għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet għal aktar pariri u djalogu dwar din il-kwistjoni.

I.   Kuntest tal-Ftehim inizjalat

1.

Fit-3 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tifaħ negozjati fuq Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Uniti tal-Amerika (US) dwar il-protezzjoni ta’ data personali meta tiġi ttrasferita u pproċessata għall-iskop tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali (minn hawn ’il quddiem: il-“Ftehim”) (1).

2.

In-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istati Uniti bdew uffiċjalment fid-29 ta’ Marzu 2011 (2). Fil-25 ta’ Ġunju 2014, l-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti ħabbar li sejra tittieħed azzjoni leġiżlattiva sabiex tipprevedi rimedju ġudizzjajru dwar id-drittijiet ta’ privatezza fl-Istati Uniti għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (3). Wara bosta rawnds ta’ negozjati, li kienu estiżi fuq perjodu ta’ 4 snin, il-Ftehim ġie inizjalat fit-8 ta’ Settembru 2015. Skont il-Kummissjoni, l-għan huwa li l-Ftehim jiġi ffirmat u konkluż b’mod formali biss wara li jiġi adottat l-Att ta’ Rimedju Ġudizzjajru tal-Istati Uniti (4).

3.

Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-kunsens tiegħu għat-test inizjalat tal-Ftehim, waqt li l-Kunsill għandu jiffirmah. Sakemm dan ma jkunx sar u l-Ftehim ma jkunx ġie ffirmat b’mod formali, aħna ninnotaw li n-negozjati jistgħu jerġgħu jinfetħu fuq punti speċifiċi. Huwa f’dan il-Kuntest li l-KEPD joħroġ din l-opinjoni, skont it-test tal-Ftehim inizjalat ippubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni (5). Din hija Opinjoni preliminari bbażata fuq l-ewwel analiżi ta’ test legali kumpless u mingħajr preġudizzju għal kull rakkomandazzjoni addizzjonali li għandha ssir fuq il-bażi ta’ aktar informazzjoni disponibbli, inklużi żviluppi leġiżlattivi fl-Istati Uniti bħall-adozzjoni tal-Att ta’ Rimedju Ġudizzjajru. Il-KEPS identifika tliet punti essenzjali li jeħtieġu titjib u jenfasizza wkoll aspetti oħrajn fejn huma rakkomandati kjarifiki importanti. B’dan it-titjib, il-Ftehim jista’ jiġi kkunsidrat konformi mad-dritt tal-Unjoni primarju.

V.   Konklużjonijiet

53.

Il-KEPD jilqa’ l-intenzjoni li jipprovdi għal strument vinkolanti legalment li jimmira li jiżgura livell għoli tal-protezzjoni tad-data għad-data personali trasferita bejn l-UE u l-US għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ kxif jew ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inkluż it-terrożimu.

54.

Ħafna mid-dispożizzjonijiet sostantivi tal-Ftehim jimmiraw li jikkorrispondu b’mod sħiħ jew parzjali mal-garanziji essenzjali tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali fl-UE (bħad-drittijiet tas-suġġett tad-data, sorveljanza indipendenti u d-dritt għal reviżjoni ġudizzjarja).

55.

Għalkemm li l-Ftehim ma jikkostitwixxix b’mod tekniku deċiżjoni tas-sejba ta’ adegwatezza, dan joħloq preżunzjoni ġenerali ta’ konformità għal trasferimenti bbażati fuq bażi legali speċifika, fil-qafas tal-Ftehim. Għalhekk, huwa kruċjali li jiġi żgurat li din il-“preżunzjoni” tiġi msaħħa bis-salvagwardji kollha meħtieġa fi ħdan it-test tal-Ftehim, sabiex jiġi evitat kwalunkwe ksur tal-Karta, b’mod partikolari tal-Artikoli 7, 8 u 47.

56.

Hemm tliet titjibiet essenzjali li l-KEPD jirrakkomanda għat-test sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Karta u mal-Artikolu 16 TFUE:

(1)

kjarifika li s-salvagwardji kollha japplikaw għall-individwi kollha, mhux biss għaċ-ċittadini tal-UE;

(2)

żgurar li d-dispożizzjonijiet ta’ rimedju ġudizzjarju huma effettivi fis-sens tal-Karta;

(3)

kjarifika li t-trasferimenti ta’ data sensittiva f’lott mhumiex awtorizzati.

57.

Barra minn hekk, għall-finijiet taċ-ċertezza legali, il-KEPD jirrakkomanda li t-tijib jew il-kjarifiki li ġejjin jiġu introdotti fit-test tal-Ftehim jew fi ħdan id-dikjarazzjonijiet ta’ spjega li għandhom ikunu mehmużin mal-Ftehim, jew fil-fażi ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim, kif spjegat fi ħdan din l-Opinjoni:

(1)

li l-Artikolu 5(3) għandu jiġi interpretat bħala li jirrispetta r-rwol tal-awtoritajiet superviżorji sabiex ikun konformi mal-Artikolu 8(3) tal-Karta;

(2)

li l-bażijiet legali speċifiċi għat-trasferimenti (l-Artikolu 5(1)) għandhom jikkonformaw kompletament mas-salvagwardji pprovduti fil-Ftehim u li, fil-każ ta’ dispożizzjonijiet kunfliġġenti bejn bażi legali speċifika u l-Ftehim, dan tal-aħħar jipprevali;

(3)

li fil-każ ta’ protezzjoni ineffettiva għad-data trasferita lill-awtoritajiet f’livell tal-Istat, il-miżuri rilevanti skont l-Artikolu 14(2) sejrin jinkludu, fejn meħtieġ, miżuri dwar id-data diġà kondiviża;

(4)

li d-definizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar u informazzjoni personali (Artikolu 2) huma allinjati biex ikunu konformi mal-fehim stabbilit sew tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni; f’każ li l-Partijiet ma jallinjawx b’mod sħiħ dawn id-definizzjonijiet, għandha ssir kjarifika fid-dokumenti ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjaw il-Ftehim li l-applikazzjoni taż-żewġ kunċetti mhux se tkun differenti fis-sustanza mill-fehim tagħhom tal-liġi tal-Unjoni;

(5)

li lista indikattiva tal-“kundizzjonijiet speċifiċi” fejn id-data hija trasferita fi kwantitajiet kbar (l-Artikolu 7(3)) tista’ tiġi inkluża fid-dikjarazzjoni ta’ spjegazzjoni;

(6)

li l-Partijiet għandhom l-intenzjoni li japplikaw id-dispożizzjonijiet rigward notifiki ta’ ksur ta’ informazzjoni (l-Artikolu 10) bil-għan li jillimitaw kemm jista’ jkun l-ommissjoni tan-notifiki, fuq naħa, u biex jevitaw dewmien eċċessiv tan-notifiki;

(7)

li d-dispożizzjoni taż-żamma tad-data fl-Artikolu 12(1) hija kkumplimentata mill-ispeċifikazzjoni “għall-għanijiet speċifiċi li għalihom ġew trasferiti”, fid-dawl tal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-għan invokat mill-Partijiet fil-Ftehim;

(8)

li l-Partijiet tal-Ftehim jikkunsidraw li jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li r-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess huma limitati għal dak li huwa indispensabbli biex jiġu ppriservati l-interessi pubbliċi enumerati u biex jiġi msaħħaħ l-obbligu għat-trasparenza;

(9)

li dikjarazzjoni spjegattiva dettaljata għall-Ftehim speċifikament telenka (l-Artikolu 21):

l-awtoritajiet superviżorji li għandhom il-kompetenza f’din il-kwistjoni u l-mekkaniżmu għall-Partijiet biex jgħarrfu lil xulxin dwar il-bidliet futuri;

il-poteri effettivi li jistgħu jeżerċitaw;

l-identità u d-dettalji tal-punti ta’ kuntatt li sejrin jassistu fl-identifikazzjoni tal-korp ta’ sorveljanza kompetenti (ara l-Artikolu 22(2)).

58.

Fl-aħħarnett, il-KEPD ifakkar il-ħtieġa li kwalunkwe interpretazzjoni, applikazzjoni u miżura ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim għandha ssir, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ċarezza u kunflitt apparenti tad-dispożizzjonijiet, b’mod kompatibbli mal-prinċipji konstituzzjonali tal-UE b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 16 TFUE u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, irrispettivament mit-titjib milqugħ li għandu jiġi ppreżentat wara r-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-Opinjoni.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2016.

Giovanni BUTTARELLI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  Ara MEMO 10/1661 tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikata fit-3 ta’ Diċembru 2010, disponibbli hawnhekk: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-10-1661_en.htm

(2)  Ara MEMO 11/203 tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikata fid-29 ta’ Marzu 2011, disponibbli hawnhekk: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-11-203_en.htm

(3)  Ara l-istqarrija għall-Istampa 14-668 tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ippubblikata fil-25 ta’ Ġunju 2014, disponibbli hawnhekk: http://www.justice.gov/opa/pr/attorney-general-holder-pledges-support-legislation-provide-eu-citizens-judicial-redress

(4)  Ara MEMO 15/5612 tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikata fit-8 ta’ Settembru 2015, disponibbli hawnhekk: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-15-5612_en.htm

(5)  Test disponibbli hawnhekk: http://ec.europa.eu/justice/data-protection/files/dp-umbrella-agreement_en.pdf


25.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/7


Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar ir-Rekords Kriminali (ECRIS, European Criminal Records Information System)

[It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-KEPD www.edps.europa.eu]

(2016/C 186/05)

L-estensjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-rekords kriminali fl-UE għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCN, third country national) fl-ECRIS (Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar ir-Rekords Kriminali) kienet prevista għal żmien twil mil-leġiżlatur tal-UE. Il-Proposta biex l-ECRIS tiġi estiża għat-TCN ġiet aċċelerata mill-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà, li rrikonoxxiet li l-ECRIS “ma taħdimx b’mod effettiv għal persuni li mhumiex ċittadini tal-UE kkundannati fl-UE”.

Il-qafas tal-ECRIS attwalment juża ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ta’ persuni li nstabu ħatja bħala punt ċentrali fl-iskambju ta’ informazzjoni. Huwa għalhekk li l-ħolqien ta’ sistema parallela hija ġġustifikata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni għażlet li timplimenta l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-rekords kriminali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sistema deċentralizzata, permezz tal-użu ta’ filtru indiċi għal kull Stat Membru parteċipant. Il-filtru indiċi sejjer jiġi aġġornat b’informazzjoni speċifika kull darba li ċittadin ta’ pajjiż terz jinstab ħati u jintbagħat fl-Istati Membri l-oħrajn.

Il-KEPD analizza bir-reqqa l-Proposta leġiżlattiva u ressaq rakkomandazzjonijiet bil-għan li jassisti l-leġiżlatur u jiżgura li l-miżuri l-ġodda jkunu konformi mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Filwaqt li l-KEPD jilqa’ l-proposta dwar sistema deċentralizzata tal-UE għall-ipproċessar tad-dejta relatata ma’ rekords kriminali tat-TCN, ibbażata fuq element ta’ tiftix “hit/no hit” u bl-użu ta’ miżuri tekniċi maħsuba biex jillimtaw l-interferenzi fid-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-dejta personali, il-KEPD iqajjem tliet kwistjonijiet ewlenin u rakkomandazzjonijiet addizzjonali oħrajn, li huma deskritti f’aktar dettall fl-Opinjoni.

L-ewwel nett, għandha tiġi stabbilita sistema korrispondenti għat-TCN bħal dik eżistenti għaċ-ċittadini tal-UE dwar l-ipproċessar tal-marki tas-swaba’, li tqis l-ispeċifiċità tas-sistemi kriminali nazzjonali, u b’hekk tissodisfa r-rekwiżiti ta’ neċessità u proporzjonalità tal-ipproċessar tad-dejta personali.

It-tieni, it-test tal-Proposta jirreferi b’mod impreċiż għall-informazzjoni fil-filtru indiċi bħala li hija “anonima”. Il-KEPD jirrakkomanda l-kjarifika li l-informazzjoni pproċessata għall-finijiet ta’ ECRIS-TCN tkun dejta personali, li tkun għaddiet minn proċess ta’ psewdonimizzazzjoni u mhux dejta anonima.

It-tielet, il-KEPD iqis li l-ħolqien ta’ tip differenti ta’ sistema għall-ipproċessar tad-dejta għaċ-ċittadini tal-UE li għandhom ċittadinanza ta’ pajjiż terz minbarra dik stabbilita għaċ-ċittadini tal-UE ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ neċessità fil-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta u jista’ jwassal għal diskriminazzjoni. Għalhekk, il-KEPD jirrakkomanda li l-miżuri fil-Proposta jirreferu biss għat-TCN u mhux anki għaċ-ċittadini tal-UE li għandhom ukoll ċittadinanza ta’ pajjiż terz.

I.   INTRODUZZJONI U SFOND

I.1.   Konsulatazzjoni tal-KEPD

1.

Fid-19 ta’ Jannar 2016 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, fir-rigward l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi u fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), u tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI (1) (“il-Proposta”). Il-KEPD ġie kkonsultat b’mod informali qabel il-pubblikazzjoni tal-Proposta. Madankollu, il-KEPD jiddispjaċih li ma rċeviex talba għal Opinjoni wara l-pubblikazzjoni tal-Proposta.

I.2.   Objettiv tal-Proposta

2.

L-ECRIS hija sistema elettronika għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar kundanni preċedenti mogħtija kontra persuna speċifika mill-qrati kriminali fl-UE għall-finijiet ta’ proċedimenti kriminali kontra persuna, u, jekk il-liġi nazzjonali tippermetti dan, għal skopijiet oħrajn. Is-sistema hija bbażata fuq id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI (2) (“id-Deċiżjoni Qafas”) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI (3).

3.

Skont il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni li jakkumpanja l-Proposta, il-prinċipju sottostanti tal-ECRIS huwa li tista’ tinkiseb informazzjoni sħiħa dwar kundanni preċedenti ta’ ċittadin tal-UE mill-Istat Membru li din il-persuna għandha ċ-ċittadinanza tiegħu, li fuq talba jista’ jipprovdi informazzjoni aġġornata eżawrjenti dwar ir-rekords kriminali taċ-ċittadini tiegħu, irrispettivament minn fejn ingħataw il-kundanni tal-UE. Bħalissa din l-arkitettura tagħmilha diffiċli għall-awtoritajiet biex jiskambjaw informazzjoni dwar kundanni li jirrigwardaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (minn hawn ‘il quddiem: TCN) permezz tal-ECRIS, billi t-“TCN m’għandhom l-ebda ċittadinanza ta’ Stat Membru”, u “biex tinkiseb ħarsa ġenerali kompluta tal-istorja tar-rekords kriminali ta’ individwu partikolari, it-talbiet iridu jintbagħtu lill-Istat(i) Membru/i kollha li joħorġu kundanna” (4).

4.

Għalhekk, l-objettiv tal-Proposta huwa li titjieb l-effiċjenza tal-ECRIS fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-rekords kriminali tat-TCN.

5.

Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni jiddeskrivi s-sistema li ntgħażlet biex jinkiseb dan l-objettiv. Is-sistema sejra tiġi organizzata b’mod deċentralizzat, jiġifieri ma jkunx hemm bażi ta’ dejta unika li tinkludi l-informazzjoni rilevanti, iżda kull Stat Membru ser ikollu fajl tad-dejta. L-Istati Membri sejrin ikollhom joħorġu d-dejta tal-identità mir-rekord kriminali tagħhom u jitfgħuha f’fajl separat — “il-filtru indiċi”, kull meta TCN jinstab ħati. Id-dejta sejra tiġi kkonvertita f’“locks u keys”. Il-filtru indiċi sejjer jitqassam lill-Istati Membri kollha, u dan jippermettilhom ifittxu b’mod indipendenti fil-bini tagħhom stess. Is-sistema sejra tippermetti lill-Istati Membri jqabblu d-dejta tagħhom stess mal-fajl u jiskopru jekk jeżistux entrati oħra fir-rekords kriminali fi Stati Membri oħrajn (sistema “hit/no hit”).

II.   KONKLUŻJONI

37.

Kif diġà ntqal fl-Opinjoni tal-KEPD 2006 dwar il-Proposta tal-ECRIS, “għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jista’ jkun hemm bżonn ta’ sistema alternattiva”, peress li “għal raġunijiet ovvji, is-sistema pproponuta ma tistax taħdem f’dawk il-każijiet” (5). Għalhekk nilqgħu l-Proposta attwali u nirrikonoxxu l-importanza ta’ skambju effiċjenti ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali ta’ persuni li nstabu ħatja, b’mod partikolari fil-kuntest tal-adozzjoni tal-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà (6).

38.

Wara li analizza l-Proposta bir-reqqa, il-KEPD iressaq ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin, sabiex jiżgura konformità mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta:

1)

Fir-rigward tal-użu obbligatorju tal-marki tas-swaba’ għat-TCN, għandha tinħoloq sistema korrispondenti għat-TCN bħal dik li teżisti għaċ-ċittadini tal-UE, f’konformità mar-regoli eżistenti dwar il-ġbir tal-marki tas-swaba’ fil-livell nazzjonali;

2)

Ir-referenzi għal dejta anonima għandhom jitneħħew mill-Proposta u ssostitwiti b’referenzi preċiżi għall-proċess tal-psewdonimizzazzjoni;

3)

Id-dejta li għandha tinħażen fil-livell nazzjonali dwar iċ-ċittadini tal-UE li nstabu ħatja u dwar TCN li nstabu ħatja ma għandhiex tiġi kklassifikata b’mod differenti, billi l-istess sistema li teżisti attwalment għaċ-ċittadini tal-UE tiġi estiża (pereżempju “dejta fakultattiva”, “dejta addizzjonali”) għat-TCN ukoll;

4)

L-użu tas-sistema ta’ filtru indiċi għandu jkun limitat biss għal dejta personali tat-TCN, kategorija ta’ persuni li ma għandhiex tinkludi ċittadini tal-UE li għandhom ukoll ċittadinanza ta’ pajjiż terz.

39.

Barra minn hekk, il-KEPD iressaq ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin li jistgħu jsaħħu l-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata għall-finijiet tal-ECRIS-TCN:

1)

Il-Preambolu tal-Proposta għandu jinkludi referenza għad-DPD, li tiċċara r-relazzjoni bejn l-istrumenti;

2)

Għandhom jiġu pprovduti aktar salvagwardji għall-ipproċessar tal-marki tas-swaba’ fl-Atti Implimentattivi li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni, dwar il-proċess tar-reġistrazzjoni, b’enfasi fuq il-livell ta’ preċiżjoni u l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ rimedju;

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2016.

Giovanni BUTTARELLI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2016) 7 finali, 2016/0002 (COD), Strasburgu, id-19 ta’ Jannar 2016.

(2)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-Applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 33).

(4)  Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Proposta, p. 3.

(5)  Opinjoni tal-KEPD dwar il-Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri tal-informazzjoni meħuda mill-kondotta kriminali (COM(2005) 690 finali) (ĠU C 313, 20.12.2006, p. 26, para 15 u 18).

(6)  “Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà” — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta’ April 2015, COM(2015) 185 finali.


25.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/10


Sommarju Eżekuttiv tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar ir-Regolament propost dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta

[It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u l-Ġermaniż fuq is-sit web tal-KEPD www.edps.europa.eu]

(2016/C 186/06)

Sommarju Eżekuttiv

L-Ewropa llum hija affaċċjata bi kriżi ta’ migrazzjoni urġenti u b’żieda ta’ theddid terroristiku. Għalhekk, l-UE trid issaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħha. F’dan il-kuntest, ir-Regolament propost dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta jimmira li jistabbilixxi prinċipji ġenerali tal-ġestjoni intergrata tal-fruntieri Ewropea u se jsaħħaħ il-mandat tal-aġenzija Frontex.

Il-KEPD jirrikonoxxi l-ħtieġa għal ġestjoni aktar effettiva tal-migrazzjoni u għar-rinfurzar tas-sigurtà interna, u dan jeħtieġ l-ipproċessar ta’ data personali. Madanakollu, il-Proposta tal-Kummissjoni tista’ toħloq ukoll intrużjoni serja fid-drittijiet tal-migranti u tar-refuġjati, grupp vulnerabbli ta’ nies bi bżonn partikolari għall-protezzjoni.

Din l-Opinjoni tindirizza l-ħames tħassibiet ewlenin tal-protezzjoni tad-data u titlob għal aktar titjib tat-test propost biex tiġi żgurata l-konformità sħiħa mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data. Il-KEPD iqis li din il-konformità se tkun kruċjali għas-suċċess tal-inizjattiva u għall-abilità tagħha li tiflaħ għall-iskrutinju legali. Aħna nirrakkomandaw b’mod speċifiku:

fuq l-iskopijiet tal-Proposta, valutazzjonijiet separati tan-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżuri biex jiġu ssodisfati ż-żewġ miri identifikati ta’ migrazzjoni u sigurtà, filwaqt li jiġi nnutat li l-miri sejrin jiġġeneraw l-applikazzjoni ta’ regoli tal-protezzjoni tad-data differenti;

fuq il-ġbir tad-data personali, kjarifika tal-iskala u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet ta’ pproċessar mill-Aġenzija, peress li l-Proposta attwali timplika li l-Aġenzija l-ġdida se tinbidel f’hub ta’ data personali fejn ikun hemm ammonti massivi ta’ informazzjoni personali;

delineazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet bejn l-Aġenzija l-ġdida u l-Istati Membri tal-UE sabiex ma jkun hemm l-ebda sfukar tal-kontabilità fl-obbligi tal-protezzjoni tad-data ta’ kull kontrollur;

kjarifiki fuq it-trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li dawn it-trasferimenti għandhom ikunu bbażati jew fuq valutazzjoni tal-adegwatezza jew fuq l-użu ta’ salvagwardji xierqa;

fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-migranti u tar-refuġjati, garanziji fuq il-bażi li l-migranti u r-refuġjati jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom b’mod li jkunu jistgħu jifhmu u jeżerċitaw dawk id-drittijiet b’mod raġonevoli.

B’mod ġenerali, l-Aġenzija l-ġdida għandha tkun mgħammra b’mod suffiċjenti u kapaċi twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha għall-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data u tissalvagwardja l-interessi u d-drittijiet tal-individwi li għalihom tirrelata d-data personali li tkun qed tiġi pproċessata.

1.   Kuntest tal-Proposta

1.

Fil-15 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ħarġet sett ta’ miżuri importanti magħruf aħjar bħala l-“Pakkett tal-Fruntieri” (Borders Package) (1), bl-għan li ssaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u tipproteġi b’mod aħjar iż-żona Schengen. L-inizjattiva ewlenija ta’ dan il-pakkett hija l-Proposta għal regolament li jistabbilixxi Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta (2) (minn hawn 'l quddiem “il-Proposta”), li jipprevedi għall-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri u li huwa segwitu għall-Aġenda tal-Kummissjoni stess dwar il-migrazzjoni (3) u sa ċertu punt għall-Aġenda tagħha dwar is-Sigurtà (4), it-tnejn imressqa qabel fir-Rebbiegħa tal-2015.

2.

Fis-17 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill Ewropew sejjaħ għal adozzjoni rapida tal-Proposta u talab lill-Kunsill tal-UE biex jintlaħaq ftehim politiku qabel it-terminu tal-Presidenza attwali (5). Il-koleġiżlaturi aċċelleraw id-deliberazzjonijiet tagħhom dwar il-Proposta. Il-Presidenza Netherlandiża għandha l-intenzjoni li tissodisfa l-iskadenza mitluba (6), filwaqt li l-Parlament Ewropew skeda b’mod tentattiv seduta plenarja biex jiskrutinizza l-Proposta fil-bidu ta’ Ġunju (7).

3.

Il-KEPD jirrikonoxxi l-kriżi tal-migrazzjoni u t-theddid terrositiku li llum il-ġurnata qed tiffaċċja l-UE, u l-importanza li jittieħdu miżuri rapidi u sinifikanti sabiex tingħeleb din is-sitwazzjoni fil-livell tal-UE. Hu jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea li tirreaġixxi malajr għall-iżvilupp ta’ każijiet attwali. Madankollu, huwa l-irwol tal-KEPD li jfakkar l-importanza li jiġi rispettat id-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-data u li jagħti pariri dwar modi aħjar biex jiġu inklużi salvagwardji tal-protezzjoni tad-data f’miżuri leġiżlattivi ġodda, fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (8) (minn hawn 'il quddiem “il-Karta”) u l-Artikolu 16 tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Aħna jiddispjaċina li l-aġenda msemmija hawn fuq ma ppermettietx għall-konsultazzjoni tal-KEPD fi stadju aktar bikri tal-proċess leġiżlattiv.

4.

F’din l-Opinjoni, il-KEPD identifika ħames oqsma ewlenin ta’ tħassib li jeħtieġu aktar titjib tat-test propost sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-qafas tal-protezzjoni tad-data. Huwa se jiffoka l-kummenti tiegħu fuq l-iskopijiet ta’ din il-Proposta, il-ġbir tad-data personali, ir-responsabbiltà għall-ipproċessar tad-data personali, it-trasferimenti tad-data personali lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-migranti u r-refuġjati. Fl-aħħar huwa sejjer jenfasizza l-aspetti tal-Proposta fejn huma meħtieġa kjarifiki importanti.

8.   Konklużjoni

Il-KEPD jilqa’ diversi aspetti tal-Proposta, speċjalment il-fatt li xi salvagwardji ġew inklużi fit-test, pereżempju sabiex jiġu limitati l-perjodi taż-żamma tad-data. Madankollu, meta jitqies l-impatt tal-interferenza mad-drittijiet fundamentali tal-migranti u r-refuġjati, il-KEPD iqis b’mod aktar ġenerali li għandha titwettaq valutazzjoni separata tan-neċessità u l-proporzjonalità tal-attivitajiet tal-ipproċessar previsti għal kull skop tal-Proposta. Il-kompatibilità bejn l-iskopijiet differenti għall-ipproċessar previsti fl-Artikolu 45(1) tal-Proposta għandha tiġi vverifikata wkoll.

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, il-KEPD jirrakkomanda, b’mod partikolari, li t-titjib u l-kjarifiki li ġejjin jiġu introdotti fit-test finali tal-inizjattiva:

L-ispeċifikazzjoni u l-limitazzjoni tal-iskop

li ż-żewġ skopijiet segwiti mill-Proposta fit-test kollu jiġu dettaljati b’mod aktar espliċitu u b’mod separat;

li tiġi żgurata l-kompatibilità fil-mod ta’ kif id-data tiġi proċessata u ssir referenza espliċita għall-kompatibilità tal-iskopijiet fl-Artikolu 45(1);

li l-Artikolu 45(3) jerġa’ jiġi mfassal sabiex jiġi pprojbit b’mod espliċitu li d-data personali miżmuma tkompli tiġi proċessata għal skopijiet oħra għajr dawk iddefiniti fl-Artikolu 45(1);

Responsabbiltajiet tal-Aġenzija

li tiċċara l-firxa tal-attivitajiet tal-ipproċessar mill-Aġenzija fuq id-data personali miġbura matul operazzjonijiet konġunti u kompiti operazzjonali oħrajn, billi telenka b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 46 il-kategoriji tad-data li jistgħu jintużaw u/jew jgħaddu mill-Aġenzija;

li tevita l-ambigwità fir-rigward tar-responsabbiltà għall-attivitajiet ta’ pproċessar u l-konformità bejn l-Aġenziji, l-Istat Membru ospitanti u l-Istati Membri tal-lokal fil-każ ta’ operazzjonijiet konġunti;

li tiċċara fl-Artikolu 46 f’liema ċirkostanzi d-data miġbura fil-fruntiera mill-Istati Membri se tiġi trażmessa lill-Aġenzija, b’hekk tiskatta r-responsabbiltà tagħha bħala kontrollur;

Kwalità u sigurtà tad-data

li jiġi ċċarat l-Artikolu 46(1)(c) biex b’hekk ma jiġix interpretat bħala awtorizzazzjoni ġenerali biex tinġabar data bħal din irrispettivament mill-kategoriji tal-persuni definiti fl-Artikolu 46(1)(a) u (b);

li tiġi definita b’mod ċar ir-responsabbiltà għas-sigurtà tat-tagħmir użat mill-EBCG msemmi fl-Artikoli 37 u 38 fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tat-tagħmir;

Trasferimenti

li jsiru referenzi għal organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Artikolu 44(4) fir-rigward tal-projbizzjoni li tiġi trasferita data personali, u li l-Artikolu 51(4) jinġieb f’konformità;

li l-Artikolu 51 jiġi ċċarat billi jitfassal mill-ġdid ir-4 paragrafu tiegħu u billi jinqasam f’żewġ dispożizzjonijiet sabiex tiġi indirizzata l-kooperazzjoni tal-entitajiet fi ħdan l-UE u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali b’mod separat;

Id-drittijiet tas-suġġetti tad-data

li fl-Artikolu 72 jiġi speċifikat li d-drittijiet tal-protezzjoni tad-data u l-ilmenti relatati sejrin jiġu indirizzati b’mod separat mill-UPD;

li jiġi żgurat li l-informazzjoni pprovduta lis-suġġetti tad-data f’dan il-kuntest tingħata b’mod adatt skont l-età, bl-użu ta’ lingwa ċara u sempliċi u tiġi evitata terminoloġija legali;

li jiġu inklużi awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data fil-lista tal-awtoritajiet imsemmija previsti bl-Artikolu 15(3), l);

li titneħħa l-possibbiltà li l-uffiċjali ta’ kollegament jaċċessaw sistemi ta’ informazzjoni nazzjonali u Ewropej mill-Artikolu 11(4) jekk evidenza li turi dan il-bżonn ma tkunx provduta.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2016.

Giovanni BUTTARELLI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  Il-Pakkett tal-Fruntieri jinkludi b’kollox 13-il dokument leġiżlattiv: proposta biex tiġi stabbilita l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta akkumpanjata minn Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, proposta biex jiġi emendat il-Kodiċi ta’ Fruntieri ta’ Schengen biex jiġu introdotti kontrolli sistematiċi obbligatorji fuq ċittadini tal-UE li jidħlu u jħallu l-UE, proposta biex jiġi stabbilit dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali, Manwal Prattiku għall-implimentazzjoni u l-ġestjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri, Rapport tal-Progress dwar l-implimentazzjoni tal-hotspots fil-Greċja, Rapport tal-Progress dwar l-implimentazzjoni tal-hotspots fl-Italja, proposta għal sospensjoni temporanja tal-obbligi tal-Iżvezja taħt il-mekkaniżmu tar-rilokazzjoni tal-UE, Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal skema volontarja ta’ ammissjoni umanitarja mat-Turkija, Rapport dwar is-segwitu għal-Laqgħa tal-Mexxejja dwar il-fluss tar-refuġjati tul ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent, proposta biex jiġi emendat l-att li jistabbillixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u proposta biex jiġi emendat l-att tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima. Id-dokumenti kollha huma disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/securing-eu-borders/index_en.htm

(2)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (COM(2015) 671 final).

(3)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni “Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”, Brussell, 13 ta’ Mejju 2015, COM(2015) 240 final; f’dak iż-żmien, il-Kummissjoni diġà kienet identifikat li: “Iż-żieda fl-azzjoni fil-Mediterran tesponi r-realtà li l-ġestjoni tal-fruntieri esterni qed issir dejjem aktar responsabbiltà kondiviża. Minbarra Sistema Ewropea ta’ Gwardji tal-Fruntiera, dan ikopri approċċ ġdid għal funzjonijiet tal-gwardjakosta fl-UE, li jħares lejn inizjattivi bħall-kondiviżjoni tal-assi, l-eżerċizzji konġunti u l-użu doppju tar-riżorsi kif ukoll il-possibbiltà li wieħed jimxi lejn Gwardjakosta Ewropea.”

(4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni “Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà”, Stasburgu, 28 ta’ April 2015, COM(2015) 185 final.

(5)  Ara l-Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17 u tat-18 ta’ Diċembru 2015 disponibbli fuq: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-28-2015-INIT/en/pdf

(6)  Ara r-riżultati ewlenin tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-25 ta’ Frar 2016 disponibbli fuq is-sit web tal-Kunsill fuq: http://www.consilium.europa.eu/en/meetings/jha/2016/02/25/

(7)  Ara l-paġna web dedikata għall-fajl dwar L-Osservatorju Leġiżlattiv tal-Parlament Ewropew: http://www.europarl.europa.eu/oeil/popups/ficheprocedure.do?lang=&reference=2015/0310(COD)

(8)  Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1).


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

25.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/13


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8024 — NTT Data International/IT Services Business of Dell)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 186/07)

1.

Fit-18 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża NTT Data International L.L.C. (“NTT Data”, l-Istati Uniti), li tappartjeni għall-grupp NTT, takkwista fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll sħiħ ta’ Dell Services, li huwa n-negozju tas-servizzi ta’ teknoliġija informatika ta’ Dell Inc. (“Dell”, l-Istati Uniti) u ċerti sussidjarji tagħha, permezz tax-xiri ta’ ishma u ta’ assi.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal NTT Data: NTT Data hija sussidjarja ta’ Nippon Telegraph and Telephone Corporation (il-Ġappun), kumpanija tat-telekomunikazzjoni,

—   għal Dell Services: Dell Services tipprovdi firxa wiesgħa ta’ servizzi tal-IT u servizzi ta’ negozju, inkluż l-infrastruttura, il-cloud, applikazzjonijiet u servizzi ta’ proċess kummerċjali lil klijenti kummerċjali u governattivi minn Dell.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’din in-Notifika.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati sabiex iressqu l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-faks (nru tal-faks +32 22964301) jew bl-e-Mail lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, bin-numru ta’ referenza M.8024 — NTT Data International/IT Services Business of Dell, f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


25.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/14


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8048 — Ardagh/Ball Rexam Divestment Business)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 186/08)

1.

Fit-18 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Ardagh SA (“Ardagh”, il-Lussemburgu) takkwista skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll ta' assi divestiti minn Ball Corporation biex takkwista approvazzjoni regolatorju għall-akkwist tagħha ta' Rexam PPLC (“the Ball/Rexam Divestment Business”), permezz ta' xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal Ardagh: il-produzzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ ppakkjar riġidu għall-industriji tal-ikel, ix-xorb, u l-prodotti għall-konsumatur,

—   għal Ball/Rexam Divestment Business: il-manifattura ta’ bottijiet tax-xorb minerali. Fiż-ŻEE, il-Ball/Rexam Divestment Business jikkonsisti minn tmien impjanti tal-manifattura ta' bottijiet tax-xorb minerali Ball, żewġ impjanti terminali Ball, żewġ impjanti tal-manifattura tal-bottijiet tax-xorb minerali Rexam u ċerti faċilitajiet ta' appoġġ u innovazzjoni fil-Ġermanja u fir-Renju Unit. Il-Ball/Rexam Divestment Business jinkludi wkoll assi barra miż-ŻEE, speċjalment fl-Istati Uniti u fil-Brażil.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f'dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati sabiex iressqu l-kummenti li jista' jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-faks (nru tal-faks +32 22964301) jew bl-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, bin-numru ta' referenza M.8048 — Ardagh/Ball Rexam Divestment Business, f'dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

25.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/15


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 186/09)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (1).

DOKUMENT UNIKU

“SICILIA”

Nru tal-KE: IT-IGP-0005-01305 – 29.1.2015

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Sicilia”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

Meta tkun qed tiġi ppakkjata l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Sicilia”, din irid ikollha l-karatteristiċi li ġejjin:

Valutazzzjoni kimikofiżika

Aċidità (espressa bħala aċidu olejku): mhux aktar minn 0,5 %;

Indiċi tal-perossidu: ≤ 12 mEqO2/kg;

Total ta’ polifenoli: ≥ 100 mg/kg

Valutazzjoni Organolettika (Metodu COI):

Il-prodott hu karatterizzat minn togħma partikolari ta’ frott u minn attributi organolettiċi ta’ ħaxix, tadam u qaqoċċ li minkejja li l-intensità tagħhom tvarja skont il-fatturi tal-ħamrija, tal-klima, fatturi agronimiċi u teknoloġiċi, bl-espressjoni tagħhom wieħed jagħraf minnufih iż-żejt taż-żebbuġa straverġni “Sicilia”.

Firxa tal-medjan

L-inqas

L-ogħla

Togħma ta’ frott taż-żebbuġ misjur

≥ 2

≤ 8

Togħma ta’ frott taż-żebbuġ aħdar

≥ 2

≤ 8

Ħaxix u/jew tadam u/jew qaqoċċ

> 2

≤ 8

Morr

> 2

≤ 7

Pikkanti

> 2

≤ 8

Iż-żejt “Sicilia” għandu profil sensorjali kkaratterizzat minn irwejjaħ olfattivi diretti u indiretti (xamm u togħma) assoċjati mas-sensazzjoni tat-“tadam (weraq, frott aħdar jew misjur)” u tal-“qaqoċċ” li jistgħu jiġu identifikati waħedhom jew flimkien. Barra minn hekk, tista’ tgħid li dejjem tiġi assoċjata riħa ta’ “ħaxix frisk”.

Partikolarità tipika oħra taż-żejt “Sicilia” għandha x’taqsam mal-fatt li jagħmel parti mill-kategorija taż-“żjut b’togħma ta’ frott”, li kważi dejjem tista’ tiġi kategorizzata bejn togħma ta’ frott medja u qawwija, li madankollu toħloq armonija fl-irwejjaħ tal-attributi pożittivi bħall-morr u l-pikkanti.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Minħabba l-pożizzjoni ċentrali tiegħu fil-Mediterran, matul is-snin ir-reġjun ta’ Sqallija għadda minn taħt ħafna ħakmiet li influwenzawh b’modi differenti (fin-natura kulturali, arkitettonika, reliġjuża, alimentari, eċċ.). B’mod partikolari, is-settur tat-tkabbir taż-żebbuġ huwa simboliku ta’ dan il-proċess twil ta’ arrikkiment tal-kulturi, tat-tekniki tal-kultivazzjoni u tal-bijodiversità tal-varjetajiet. Bis-saħħa ta’ dawn il-kundizzjonijiet ir-Reġjun ta’ Sqallija sar għani kemm fl-għadd tal-varjetajiet ikkultivati kif ukoll fit-tekniki tal-kultivazzjoni li jintużaw, li kkontribwew biex inħoloq profil uniku tat-tkabbir taż-żebbuġ u tal-produzzjoni taż-żejt li ma jista’ jiġi riprodott imkien iktar.

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Sicilia” trid tinkiseb minn dawn il-kultivari taż-żebbuġ, waħedhom jew b’mod konġunt fl-imsaġar taż-żebbuġ li jinqasmu b’dan il-mod skont ordni ta’ importanza u ta’ rappreżentattività:

 

Kultivari rappreżentati l-aktar:

 

Biancolilla, Cerasuola, Moresca, Nocellara del Belice, Nocellara Etnea, Ogliarola Messinese u Tonda Iblea.

 

Kultivari minuri:

 

Aitana, Bottone di gallo, Brandofino, Calatina, Cavalieri, Crastu, Erbano, Giarraffa, Lumiaru, Marmorigna, Minuta, Nasitana, Nerba, Nocellara messinese, Olivo di Mandanici, Piricuddara, Santagatese, Vaddarica, Verdello, Verdese, Zaituna u sinonimi tagħhom. Jistgħu jintużaw kultivari oħrajn preżenti fl-imsaġar taż-żebbuġ sa massimu ta’ 10 %. Jekk aktar minn 10 % tal-kultivari l-oħrajn fl-azjenda agrikola jkunu ta’ varjetà oħra, iż-żoni tat-tkabbir taż-żebbuġ ma jistgħux jiġu rreġistrati fis-sistema tal-monitoraġġ tal-IĠP “Sicilia”.

Il-kultivari ewlenin ikopru aktar mill-85 % taż-żona tat-tkabbir taż-żebbuġ tar-reġjun.

Iż-żejt li jista’ jsir mill-kultivari kollha msemmija iktar 'il fuq, użati waħedhom jew b’mod konġunt, diġà jippreżenta l-profil organolettiku deskritt fit-Taqsima 3.2, u l-konsumatur medju kapaċi jagħrfu faċilment mill-karatteristiċi olfattivi u tat-togħmiet, li huma ddefiniti b’medda medja-għolja ta’ perċezzjoni b’rabta mal-perċezzjoni tal-irwejjaħ imsemmija iktar 'il fuq tat-“tadam aħdar jew misjur”, tal-“qaqoċċ” u tal-“ħaxix frisk”.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-passi kollha tal-proċess tal-produzzjoni: il-kultivazzjoni, il-ħsad u t-teħid taż-żejt iridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-ħżin u l-ippakkjar taż-żejt taż-żebbuġa straverġni IĠP “Sicilia” jridu jsiru fiż-żona tal-produzzjoni ddefinita fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Minbarra r-raġunijiet evidenti tan-nuqqas ta’ kontinwità minn mal-kontinent Ewropew, dan isir biex waqt it-trasport jiġi evitat li l-prodott ikun espost għall-fatturi kimikofiżiċi li jafu jwasslu għal tnaqqis fl-stabbilità tal-ossidazzjoni, u b’hekk il-proprjetajiet kwalitattivi jiddeterjoraw, b’mod partikolari l-polifenoli li huma waħda mill-karatteristiċi li jiddistingwu ż-żejt taż-żebbuġa straverġni IĠP “Sicilia”. Barra minn hekk, fi Sqallija hemm netwerk ta’ 251 azjenda li jibbottiljaw/jippakkjaw (dejta tal-Agea 2013), mifruxa sew fuq it-territorju kollu tal-gżira u bis-saħħa tal-esperjenza u l-għarfien tagħhom li kisbu matul iż-żmien, dawn jiżguraw li jinżammu l-indikaturi kwalitattivi. L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Sicilia” trid tintbagħat għall-konsum f’kontenituri xierqa li ma jesgħux iktar minn 5 litri.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Mal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Sicilia” ma tista’ tiżdied l-ebda deskrizzjoni li ma tkunx prevista b’mod espliċitu f’din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott, inklużi dawn l-aġġettivi li ġejjin: “fine” (fin), “scelto” (magħżul), “selezionato” (selezzjonat), “superiore” (superjuri). Jistgħu jidhru wkoll referenzi li jistgħu jiġu verifikati u li jiddeskrivu l-metodi tal-produtturi individwali, pereżempju: “monovarietale” (varjetà unika) segwita b’isem il-kultivar użat, “raccolto a mano” (maqtugħ bl-idejn), eċċ. Huwa permess l-użu onest ta’ ismijiet, ismijiet tal-azjendi, ditti privati sakemm dawn ma jkollhomx sinifikat ta’ tfaħħir u ma jkunux b’mod li jservu biex iqarrqu l-konsumatur. L-isem ta’ azjendi, proprjetajiet u rziezet jista’ jiġi indikat biss jekk il-prodott ikun inkiseb għalkollox minn żebbuġ maqtugħ mill-imsaġar taż-żebbuġ li jagħmlu parti mill-azjenda. Tista’ ssir referenza għall-ippakkjar f’azjenda tal-koltivazzjoni taż-żebbuġ jew fl-assoċjazzjoni ta’ azjendi tal-koltivazzjoni taż-żebbuġ jew fl-impriża li tinsab fiż-żona tal-produzzjoni biss jekk l-ippakkjar ikun seħħ fl-istess azjenda. Mhux permess l-użu ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi oħra. L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Sicilia”, trid tidher fuq it-tikketta b’karattri ċari u li ma jitħassrux u b’hekk tkun distinta mill-informazzjoni l-oħra pprovduta. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni trid tirrispetta r-regoli tat-tikkettar previsti fil-leġiżlazzjoni eżistenti. Is-sena li fiha jkun ġie prodott iż-żebbuġ li minnu sar iż-żejt għandha tiġi indikata fuq it-tikketta.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa straverġni IĠP “Sicilia” tkopri t-terrtorju amministrattiv kollu tar-reġjun ta’ Sqallija.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-pożizzjoni ġeografika partikolari ta’ Sqallija toħloq il-kundizzjonijiet naturali li bihom jiġi prodott iż-żejt taż-żebbuġa straverġni bil-karatteristiċi kimikofiżiċi u organolettiċi partikolari deskritti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

B’rabta mal-bijodiversità, in-nuqqas ta’ kontinwità tat-territorju mal-kontinent Ewropew ħoloq medda unika ta’ varjetajiet għal din l-ispeċi li hija distinta miż-żoni l-oħrajn fejn jitkabbar iż-żebbuġ.

Il-profil organolettiku taż-żejt taż-żebbuġa straverġni IĠP “Sicilia” huwa ddetermiant mill-fatturi tal-klima, tal-ħamrija u dawk tal-bniedem, li jintrabtu sew mat-territorju.

Din ir-rabta bejn it-territorju, iż-żebbuġ u l-kultura ta’ Sqallija ħolqot prodott li r-reputazzjoni tiegħu hija magħrufa permezz ta’ diversi rikonoxximenti mogħtija mill-esperti fil-qasam u mill-konsumaturi taż-żejt taż-żebbuġa straverġni “Sicilia”.

Ta’ min jinnota li l-leġiżlazzjoni tiċħad il-possibiltà li l-produtturi taż-żejt jużaw referenzi ġeografiċi fuq it-tikketta, u dawn jeħlu multi kbar jekk jagħmlu hekk, u dan kellu effett deterrent qawwi fejn jidħlu r-referenzi għall-isem f’avvenimenti promozzjonali, inklużi s-siti web.

Iżda minkejja dan ta’ hawn fuq, din ir-rabta bejn it-territorju, iż-żebbuġ u l-kultura ta’ Sqallija ħolqot prodott li r-reputazzjoni tiegħu hija magħrufa permezz ta’ diversi rikonoxximenti mogħtija mill-esperti fil-qasam u mill-konsumaturi taż-żejt taż-żebbuġa straverġni li jsir fi Sqallija.

F’dawn l-aħħar deċenni, l-impriżi li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa straverġni “Sicilia” kisbu għadd kbir ta’ rikonoxximenti f’kull kompetizzjoni internazzjonali ewlenija tal-produzzjoni taż-żebbuġ:

l-ewwel, it-tieni u t-tielet premju fil-konkors Orciolo d’Oro f’kull kategorja jew tal-inqas f’waħda mill-kategoriji delikat, medju jew qawwi, fil-biċċa l-kbira fil-kategoriji medju u qawwi fl-1997, fl-1998, fl-2001, fl-2002, fl-2003, fl-2004, fl-2005, fl-2006, fl-2007, fl-2008, fl-2012, l-ewwel u t-tieni premju fl-2009 u fl-2010, it-tielet premju fl-2011, l-ewwel premju fl-2013.

fil-konkors Sol D’Oro kisbu is-Sol D’Oro fl-2009, fl-2010, fl-2011, u s-Sol D’Argento fl-2009, fl-2012 u fl-2013. Is-Sol dio Bronzo fl-2010, fl-2011, fl-2012, u fl-2013.

fil-konkors Sirena D’Oro ta’ Sorrento kisbu l-ewwel, it-tieni u t-tielet premju fl-2003, fl-2004, fl-2005, fl-2006, u t-tieni u t-tielet premju fi snin oħra.

fil-konkors Leon D’Oro tal-2007 l-azjendi li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa straverġni “Sicilia” rebħu l-ewwel, it-tieni u t-tielet premju fl-2010 u fl-2012 rebħu l-ewwel premju.

Mill-1996 sal-lum, iż-żejt “Sicilia” rebaħ l-ewwel premju fit-tliet kategoriji għal 15-il darba fil-Premio Montiferru, kif ukoll diversi drabi rebaħ it-tieni u t-tielet premju.

Din ir-reputazzjoni hija r-riżultat tal-valur materjali tal-prodott (il-karatteristiċi kimikofiżiċi u organolettiċi) u tal-perċezzjoni tal-valur intanġibbli tiegħu li nħolqot tul iż-żmien fl-istorja twila ċentenarji sħaħ tas-siġar taż-żebbuġ u taż-żejt fi Sqallija.

Anki dokumenti storiċi jixhdu r-reputazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa straverġni “Sicilia”, li juru li għadd ta’ produtturi taż-żejt enfasizzaw il-ħtieġa li l-oriġini Sqallija tal-prodott tagħhom tkun speċifikata fuq it-tikketta.

Qabel l-1992 inġabru għadd ta’ fatturi tal-bejgħ bl-indikazzjoni “Sicilia” fl-1988, u fl-1989. Xi fatturi mmirati lejn is-suq estern huma marbutin mal-1996 mal-2000.

Barra minn hekk, ir-referenza għad-denominazzjoni hija evidenti anki mill-pubblikazzjoni tal-Katalgu taż-żjut ta’ Sqallija fl-edizzjonijiet mill-1997 sal-2009.

Id-dokumenti jinkludu wkoll għadd ta’ tikketti bil-kitba “Sicilia” minn fliexken taż-żejt ippakkjati u ttikkettati f’pajjiżi oħra li mhumiex l-Italja (Carluccio’s London – Olio extra vergine d’oliva – Sicilia), diversi tikketti għal Agata & Valentina Extra Virgin Sicilian Olive Oil distribwiti fl-USA u Trader Giotto’s, li jsemmi l-isem “Sicilia”, tikketti mill-Oleifici Barbera bl-indikazzjoni tad-denominazzjoni “Sicilia” għas-swieq esterni, kif ukoll tikketti tal-kumpanija EFFe1 srl li jinkludu l-indikazzjoni “Sicilia”.

Matul iż-żmien, il-kwalità tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa straverġni “Sicilia” żdiedet u hekk ukoll ir-reputazzjoni tiegħu f’ħafna swieq. Dan ifisser li ż-żejt huwa fil-mira li jiġi ffalsifikat, li jikkawża telf finanzjarju serju.

Skont il-klassifikazzjoni makroklimatika ta’ Köppen, iż-żona tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa straverġni IĠP “Sicilia” tista’ tkun iddefinita li għandha klima moderata u umda (tat-tip C) fejn il-medja tat-temperaturi tal-iktar xahar kiesaħ tkun inqas minn 18-il grad °C, iżda ogħla minn -3 °C, jew aħjar minn hemm klima mesotermika umda subtropikali, bi sjuf xotti (tat-tip Csa), ngħidu aħna l-klima tipika tal-Mediterran, fejn it-temperatura medja tal-iktar xahar sħun tkun ogħla minn 22 °C u b’xejriet ta’ nżul tax-xita kkonċentrat fil-perjodu l-kiesaħ (ħarifa/xitwa).

Il-klima tal-Mediterran (Cs) hija l-inqas estiża fost il-klimi moderati, u fil-każ ta’ Sqallija jidhru ħafna karatteristiċi li jaffettwaw ġmielu l-kompożizzjoni kimika u b’mod partikolari dik organolettika taż-żejt taż-żebbuġa straverġni; li jagħmluh differenti ħafna miż-żejt li jiġi prodott fiż-żoni ġeografiċi fil-qrib, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-proporzjon tal-aċidi xaħmin monoinsaturati u poliinsaturati (MUFAs/PUFAs) u l-kwalità tal-bijofenoli u l-komposti aromatiċi volatili (l-alkoħol, l-aldeidi u l-esteri).

Il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa straverġni IĠP “Sicilia” huma wkoll ir-riżultat tar-radjazzjoni tax-xemx, tat-temperatura, tal-umdità u tar-riħ li jinfluwenzaw sew il-fiżjoloġija tas-siġra taż-żebbuġ u jaffettwaw il-fażijiet tar-raqda tax-xtieli u ta’ meta jerġa’ jikber il-ħaxix kif ukoll kull fażi oħra tal-iżvilupp fenoloġiku (l-anteżi, ir-rimja u l-iżvilupp tal-frott, il-fażi li fiha ż-żebbuġ jieħu l-kulur, il-maturazzjoni). Il-kwantità tar-radjazzjoni tax-xemx utli għall-fotosinteżi (PAR) ta’ din iż-żona tal-Mediterran tiddetermina l-kundizzjonijiet biex tinġabar bijomassa akbar fl-organi differenti tal-pjanta li, flimkien mad-disponibbiltà limitata tal-ilma u max-xejriet termiċi moderati, twassal għal żieda fil-kontenut tat-total ta’ bijofenoli u, fuq kollox ta’ sustanzi fenoliċi speċifiċi, u ta’ prekursuri oħra ta’ komposti li wara se jiffurmaw l-aroma taż-żejt. Id-disponibbiltà limitata tal-ilma u l-kundizzjonijiet klimatiċi superjuri kollha deskritti hawn, li jiddeskrivu l-karattru tal-gżira, huma lkoll responsabbli għall-preżenza kostanti tal-attributi morri u pikkanti, li għaż-żejt taż-żebbuġa straverġni IĠP “Sicilia” l-valuri medjani tagħhom huma ogħla minn 2, u madankollu huma valuri li jikklassifikaw liż-żejt fil-kategoriji tal-qawwi jew tal-medju. Il-fatturi tal-ħamrija u tal-klima deskritti hawn fuq jaffettwaw mhux biss ir-rata ta’ tkabbir tal-għelejjel (CGR) marbuta mal-fotosinteżi (il-kwantità tar-radjazzjoni tax-xemx, iż-żona u l-istruttura tal-weraq), iżda wkoll il-proċessi respiratorji taċ-ċelloli tal-pjanta, u l-passaġġi metaboliċi li jiġġeneraw firxa wiesgħa ta’ metaboliti tal-pjanti: amminoaċidi, lipidi u komposti relatati, isoprenojdi (pereżempju: terpeni, inkluż l-iskwalin, il-mentol u l-limonin, li lill-pjanti, lill-fjuri u lill-frott jagħtuhom ir-riħa karatteristika tagħhom u l-prekursuri bijosintetiċi tal-isteroli) u l-porfirin (assoċjat mal-klorofilla u l-fotosinteżi).

Il-profil deskritt fit-taqsima 3.2 jiddefinixxi l-karattru uniku taż-żejt taż-żebbuġa straverġni IĠP “Sicilia” u dan jidher b’mod sistematiku mill-preżenza kontinwa tal-aroma tat-tadam aħdar, tal-qaqoċċ, u tal-ħaxix frisk, li l-manifestazzjoni tagħha hija megħjuna mill-kundizzjonijiet klimatiċi msemmija hawn fuq, kif ukoll mill-karatteristiċi organolettiċi li jiġu assoċjati dejjem mal-kultivari l-kbar imsemmija fit-taqsima 3.3.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit tal-Internet li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew

billi żżur il-paġna uffiċjali tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tagħfas fuq “Prodotti DOP IGP” (fin-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fil-ġenb, fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.