ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 177

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
18 ta' Mejju 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

il-515 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-16 u d-17 ta' Marzu 2016

2016/C 177/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji (COM(2015) 550 final)

1

2016/C 177/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ (COM(2015) 583 final)

9

2016/C 177/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bank Ċentrali Ewropew – Pjan ta’ direzzjoni lejn rappreżentanza esterna aktar konsistenti taż-Żona tal-Euro f’fora internazzjonali (COM(2015) 602 final) u dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri bl-għan li tiġi stabbilita progressivament rappreżentanza unifikata taż-Żona tal-Euro fil-Fond Monetarju Internazzjonali (COM(2015) 603 final – 2015/0250 (NLE))

16

2016/C 177/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (COM(2015) 586 final – 2015/0270 (COD))

21

2016/C 177/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bank Ċentrali Ewropew – Dwar passi lejn l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (COM(2015) 600 final) u Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1937 tal-21 ta’ Ottubru 2015 li tistabbilixxi Bord Fiskali Ewropew konsultattiv indipendenti (C(2015) 8000 final)

28

2016/C 177/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fiż-Żona tal-Euro [COM(2015) 601 finali]

35

2016/C 177/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2015) 692 final)

41

2016/C 177/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013 [COM(2015) 701 final – 2015/0263 (COD)]

47

2016/C 177/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – L-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà: pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra t-traffikar u l-użu illeċitu tal-armi tan-nar u l-isplussivi (COM(2015) 624 final) u Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-glieda kontra t-terroriżmu u s-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (COM(2015) 625 final – 2015/0281(COD))

51

2016/C 177/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima [COM(2015) 667 final – 2015/0313 (COD)]

57


MT

 


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

il-515 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-16 u d-17 ta' Marzu 2016

18.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji”

(COM(2015) 550 final)

(2016/C 177/01)

Relatur:

is-Sur Antonello PEZZINI

Nhar il-15 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji

(COM(2015) 550 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Marzu 2016.

Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-16 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’170 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni (1) waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fakkar kemm-il darba li s-suq uniku huwa fattur ċentrali tal-integrazzjoni Ewropea, bil-potenzjal li jġib benefiċċji tanġibbli u li jiġġenera tkabbir sostenibbli għall-ekonomiji Ewropej.

1.1.1.

Il-Kumitat jitlob li fl-implimentazzjoni tas-suq uniku tingħata importanza lis-setturi tal-ekonomija ekoloġika, biż-żieda ta’ mudelli tas-suq ta’ produzzjoni u konsum sostenibbli, filwaqt li tissokta l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, permezz tal-analiżi ta’ indikaturi ġodda.

1.1.2.

Fir-rigward tas-suq tal-enerġija, il-KESE iħoss li jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi u l-investimenti fil-qasam tan-netwerks tal-gass u l-grilji tal-elettriku u jiġi introdott il-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-ħżin tal-enerġija fost l-Istati Membri varji.

1.2.

Il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew għandhom jagħtu aktar u aktar attenzjoni għas-suq uniku u għall-inklużjoni soċjali taċ-ċittadini u tal-ħaddiema Ewropej.

1.3.

Rigward il-pakkett dwar il-mobilità tal-ħaddiema, dan għandu jkun orjentat lejn it-tneħħija tal-ostakoli kollha għall-moviment liberu tal-ħaddiema, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà, u għal dan il-għan il-KESE jappella għal koordinazzjoni aħjar bejn l-iskemi ta’ sigurtà soċjali, bl-introduzzjoni ta’ istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bi rwoli rikonoxxuti fuq livell Ewropew, filwaqt li jqis li huwa fundamentali li jiġi implimentat bis-sħiħ it-Trattat fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni u jittama li jkun hemm koinvolviment akbar tal-ħaddiema fil-governanza tal-intrapriżi.

1.4.

Il-KESE jemmen li l-konsumaturi għandhom jitqiesu bħala atturi tas-suq uniku u jitlob lill-Kummissjoni tadotta rwol aktar b’saħħtu għall-koordinazzjoni tal-liġi Komunitarja fil-qasam u mekkaniżmi aħjar ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim. Jeħtieġ li jkun hemm sforz akbar biex tittejjeb is-sikurezza tal-prodotti u tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq, b’attenzjoni partikolari għall-ingann fis-suq diġitali. Għal dan il-għan jittama li jiġi żviluppat mekkaniżmu razzjonali ta’ rimedju kollettiv għall-konsumaturi, validu fuq livell transnazzjonali wkoll.

1.5.

Il-KESE jqis li s-servizzi finanzjarji għall-konsumatur għandhom jittejbu fil-pajjiżi kollha u jirrakkomanda t-tnedija ta’ punti uniċi ta’ servizz u netwerks tagħhom fost il-pajjiżi, konnessi ma’ sistema ċentrali Ewropea.

1.6.

L-intraprenditorija soċjali u kollaborattiva hija kruċjali għall-koeżjoni soċjali, sabiex tiżgura tkabbir ekonomiku effiċjenti u sostenibbli għaċ-ċittadini Ewropej. Għal dan l-għan, il-KESE jista’ jikkontribwixxi għall-analiżi tal-Kummissjoni u diġà ressaq proposta għal struttura permanenti (1), għall-approfindiment tal-aspetti relatati.

1.7.

Is-servizzi u n-netwerks li jipprovdu servizzi u informazzjoni, u pariri u assistenza legali fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom ikopru l-firxa kollha tat-tipi ta’ intrapriżi (2), b’attenzjoni partikolari għall-mikrointrapriżi

1.7.1.

L-organizzazzjonijiet kollha li huma l-iktar rappreżentattivi tal-forom differenti ta’ intrapriżi għandhom ikunu involuti fid-djalogu soċjali, fil-livell tal-intrapriża, fejn hemm prova tar-rappreżentattività tagħhom.

1.8.

L-intrapriżi Ewropej, speċjalment l-SMEs u aktar u aktar il-mikrointrapriżi, għandhom bżonn suq uniku b’saħħtu u dinamiku, u l-KESE jaqbel dwar il-ħtieġa għal proposta leġislattiva fil-qasam tal-insolvenza korporattiva, u r-ristrutturar fi stadju bikri, u jappoġġja l-proposta tat-tieni ċans għall-intraprendituri. F’din il-proposta għandha tingħata importanza lill-protezzjoni tal-ħaddiema u l-konsumaturi, u lill-ħtieġa li jiġu garantiti protezzjoni xierqa.

1.9.

Il-KESE jqis li fost l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi, għandu jissaħħaħ il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ prodotti mhux armonizzati.

1.10.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu u jiġu eliminati l-ostakoli amministrattivi li jillimitaw l-iżvilupp tal-intrapriżi u li jolqtu l-aktar lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u lill-mikrointrapriżi. Ir-rekwiżiti addizzjonali u inutli introdotti mill-Istati Membri għandhom jitneħħew jekk imorru kontra direttiva jew l-għanijiet tagħha; dan jirrikjedi kontroll aktar b’saħħtu mill-Kummissjoni. Il-KESE jenfasizza li għandhom jinżammu l-kundizzjonijiet speċjali tal-professjonijiet liberi, filwaqt li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni online fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

1.11.

Huwa importanti li tittejjeb l-effettività tad-Direttiva dwar is-servizzi u tal-proċeduri ta’ notifika tad-Direttiva, filwaqt li ma jitħallewx il-forom ta’ protezzjoniżmu u ostakoli oħrajn għall-moviment liberu ta’ servizzi b’approċċ ta’ settur b’settur li jidentifika diskrepanzi u ostakoli, u għandu jiġi adottat il-prinċipju ta’ “ebda tolleranza” permezz ta’ proċeduri ta’ ksur speċifiċi f’każijiet fejn ikun hemm provi ta’ nonkonformità mad-Direttiva.

1.12.

Il-KESE jittama li ssir implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema (96/71/KE) u d-Direttiva dwar l-infurzar tal-2014.

1.13.

Jidher li jkun tajjeb u neċessarju li ssir enfasi fuq ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki akkademiċi u professjonali, b’appoġġ għall-implimentazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku permezz ta’ proċess ta’ armonizzazzjoni li jiżgura aċċess indaqs.

1.13.1.

F’dan il-kuntest, huwa importanti li t-tessera professjonali Ewropea tiġi estiża għal professjonijiet ġodda.

1.14.

Huwa daqstant ieħor fundamentali li jingħata appoġġ għall-istandardizzazzjoni Ewropea, permezz ta’ sistema minn isfel għal fuq, bil-parteċipazzjoni kontinwa tal-imsieħba soċjali, il-konsumaturi, u mal-assoċjazzjonijiet ambjentali.

1.15.

Il-Kumitat jitlob it-tnedija ta’ kampanja favur il-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini, speċjalment iż-żgħażagħ, bħala turija taċ-ċittadinanza Ewropea ta’ kull persuna, bit-tnedija ta’ applikazzjoni għas-smartphones u portal tal-UE fil-lingwi kollha, b’kontributi personali sabiex jiġi żgurat il-funzjonament sħiħ u korrett tiegħu u tiġi indirizzata il-problema tal-informazzjoni asimmetrika maċ-ċittadini u għalihom. Barra dan, il-KESE jitlob il-ħolqien ta’ Erasmus għall-artiġġjanat u l-apprendistat fis-suq uniku , li jippermetti lil żgħażagħ b’ħiliet tas-sengħa, żgħażagħ li huma professjonisti indipendenti u żgħażagħ apprendisti biex jistħarrġu n-natura unika tas-suq intern Ewropew u l-iskambji ta’ esperjenza u kompetenzi.

1.16.

Il-Kumitat iqis daqstant ieħor importati li, barra mill-UE, titnieda kampanja promozzjonali, bil-parteċipazzjoni attiva tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, għal suq uniku Ewropew – opportunità unika, ta’ ’l fuq minn 500 miljun persuna, għal sħubijiet sikuri u robusti .

2.   Pjan direzzjonali biex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq uniku

2.1.

Is-suq uniku jirrappreżenta l-qofol tal-integrazzjoni Ewropea li fuqha jserrħu l-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew, l-ispirtu ta’ inizjattiva tal-intrapriżi Ewropej, l-iżvilupp armonjuż u sostenibbli tal-attività ta’ produzzjoni, kummerċ u ta’ servizzi, u l-iżvilupp tar-riżorsi umani.

2.2.

Dan l-aħħar, il-Kummissjoni nediet proposta għal Unjoni tal-Enerġija Ewropea, l-istrateġija tas-suq uniku diġitali, pjan ta’ azzjoni għat-twaqqif ta’ Unjoni tas-swieq kapitali, u l-inizjattiva “Kummerċ għal kulħadd”, pakkett sostanzjali ta’ miżuri dwar l-ekonomija ċirkolari u pakkett dwar it-trasparenza fis-sistemi ta’ tassassjoni.

2.3.

Filwaqt li nħoloq biex iċ-ċittadini Ewropej kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-opportunità li jgħixu, jaħdmu, jiċċaqilqu, jistudjaw, jipproduċu, ibiegħu, u jixtru fi kwalunkwe post fl-Unjoni Ewropea, mingħajr restrizzjonijiet ta’ xi tip, is-suq uniku neħħa, fuq perjodu ta’ 23 sena mit-twaqqif tiegħu, għadd kbir ta’ ostakoli u impedimenti għall-eżerċizzju ħieles ta’ dawn il-libertajiet fundamentali.

2.4.

Minkejja l-progress li ntlaħaq, l-ikkompletar tas-suq uniku għad fih nuqqasijiet u lakuni sostanzjali li “joħonqu l-innovazzjoni u jiskoraġġixxu lill-kumpaniji milli jiżviluppaw prodotti u servizzi ġodda fl-Ewropa, milli jimpjegaw iżjed persunal u milli jimirħu fi swieq ġodda” (3).

2.5.

L-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni, oġġetti, servizzi u kapital huma ostakoli għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, u jagħmlu ħsara lill-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej u, abbażi tar-riżultati pożittivi tal-Atti dwar is-Suq Uniku I u II, issa hemm bżonn ta’ pass radikali li jwassal biex il-funzjonament tas-suq uniku jkun ottimali u jintlaħaq il-potenzjal mhux sfruttat tas-suq uniku.

2.6.

Għaldaqstant, għandna “inkomplu neliminaw l-ostakoli u nsibu soluzzjoni għall-ostakoli ideoloġiċi u intellettwali sabiex din l-istrateġija ta’ kooperazzjoni unika tkun tista’ titwettaq b’mod sħiħ u tkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha fit-28 Stat Membru u t-tliet pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea” (4).

2.7.

Fil-programm tiegħu għall-2015-2018, l-Osservatorju tas-Suq Uniku (SMO) ippropona, bħala prijorità, “l-istrateġija għas-Suq Uniku Diġitali u s-suq tal-enerġija”, u għadd ta’ forom oħra ta’ kooperazzjoni, bħat-tisħiħ ta’ Solvit (5).

2.8.

Il-Kummissjoni nediet “L-Att dwar is-Suq Uniku I” f’April 2011 u “Is-Suq Uniku II” f’Ottubru 2012 – fejn il-Kumitat kellu l-opportunità li jikkummenta (6) – abbażi tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport Monti tal-2010.

2.9.

Suq uniku li jkun aktar profond u ekwu huwa wieħed mill-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni: it-tneħħija tal-ostakoli regolatorji u nonregolatorji li għad fadal għas-suq uniku għall-prodotti u s-servizzi ġiet identifikata bħala prijorità fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015  (7).

2.10.

Mir-rapport Cecchini tal-1988 dwar il-kost tan-non-Ewropa, ħarġu diversi pjanijiet ta’ azzjoni li taw prijorità għall-ikkompletar tas-Suq Uniku, u l-Kummissjoni ripetutament ippreżentat proposti għal linji gwida u miżuri li s’issa, madankollu, ma tawx riżultati sodisfaċenti. Is-sejħa għal azzjoni konkreta li l-Kummissjoni tagħmel b’dan il-pjan direzzjonali għandha titqies f’din il-perspettiva.

3.   Il-proposti fil-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni

3.1.

Il-pjan direzzjonali jistabbilixxi tliet għanijiet ewlenin għall-ikkompletar tas-suq uniku:

jinħolqu opportunitajiet għall-konsumaturi, il-professjonisti u l-intrapriżi;

jitħeġġu u jiġu implimentati l-modernizzazzjoni u l-innovazzjoni li l-Ewropa għandha bżonn;

jinkisbu riżultati prattiċi li jebbenfikaw lill-konsumaturi u l-intrapriżi fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

3.2.

Il-karatteristiċi ewlenin tal-inizjattiva huma fil-qosor kif ġejjin:

(a)

l-iżvilupp bilanċjat tal-ekonomija kollaborattiva;

(b)

it-tkabbir tal-SMEs u l-istartups;

(c)

il-ħolqien ta’ suq tas-servizzi mingħajr fruntieri;

(d)

il-ġlieda kontra miżuri restrittivi fil-kummerċ bl-imnut;

(e)

il-prevenzjoni ta’ diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi u l-intraprendituri;

(f)

il-modernizzazzjoni tas-sistema tal-istandardizzazzjoni teknika-regolatorja;

(g)

il-konsolidazzjoni tal-qafas Ewropew għall-proprjetà intellettwali;

(h)

kultura aktar b’saħħitha favur il-konformità mar-regoli u l-applikazzjoni tal-kontrolli;

(i)

suq tal-akkwist pubbliku trasparenti, effikaċi u responsabbli;

(j)

it-tisħiħ tas-suq uniku tal-oġġetti u s-servizzi: implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva tas-servizzi u l-estensjoni tagħha, rikonoxximent reċiproku u kontrolli ta’ konformità għal prodotti illegali.

3.3.

Il-Kummissjoni bi ħsiebha tiffaċilita dan il-proċess permezz ta’ intervent attiv dwar l-implimentazzjoni tad-diversi direttivi u regolamenti rilevanti u b’sensiela ta’ miżuri bbażati fuq l-opportunitajiet, il-modernizzazzjoni u riżultati konkreti, bi skeda ta’ żmien ċara u, nittamaw, vinkolanti.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE stqarr diversi drabi l-konvinzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa għal miżuri li jippermettu li jintlaħaq il-potenzjal tas-suq uniku għall-benefiċċju tal-intrapriżi, il-ħaddiema, il-konsumaturi, iċ-ċittadini u l-partijiet interessati l-oħra f’setturi bħal: fil-qasam tas-servizzi, l-aċċess għall-finanzjament, is-semplifikazzjoni tal-piżijiet amministrattivi għall-SMEs, ir-rispett għall-protezzjoni tal-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ambjent, standards tekniċi-regolatorji aġġornati u mtejba, il-kummerċ elettroniku, is-suq uniku diġitali u l-mobbiltà.

4.1.1.

F’dan ir-rigward, il-KESE jqis li huwa indispensabbli li, bħala ċittadin Ewropew, kull persuna, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, tieħu sjieda tal-valur tas-suq uniku Ewropew permezz ta’:

it-tnedija ta’ kampanja favur il-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini dwar “Is-suq uniku huwa tiegħi u ma nittollerax disfunzjonijiet” flimkien mat-tnedija ta’ applikazzjoni għas-smartphones portal tal-UE fil-lingwi kollha tal-UE, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament sħiħ u korrett tiegħu u tiġi indirizzata il-problema tal-informazzjoni asimmetrika maċ-ċittadini u għalihom;

il-ħolqien ta’ Erasmus għall-artiġġjanat u l-apprendistat fis-suq uniku Ewropew , li jippermetti lil żgħażagħ b’ħiliet tas-sengħa, żgħażagħ li huma professjonisti indipendenti u żgħażagħ apprendisti biex jistħarrġu n-natura unika tas-suq intern Ewropew u l-iskambji ta’ esperjenza u kompetenzi.

titnieda kampanja għal suq uniku Ewropew sabiex jitkattar l-għarfien dwar l-Ewropa kif inhi , fis-swieq dinjija, b’mod partikolari dawk fl-Asja jew fl-Amerika, bil-parteċipazzjoni attiva tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;

kampanja biex tindirizza l-kundizzjonijiet speċjali rispettivi fis-setturi ta’ servizzi sensittivi f’qafas ta’ koerenza Ewropew.

4.2.

Skont il-KESE, qabel ma ngħaddu għal inizjattivi leġislattivi ġodda għandha tingħata prijorità għal: mekkaniżmi għall-implimentazzjoni effettiva tar-regoli eżistenti, permezz tat-twaqqif ta’ sistema dinamika għall-ġbir tal-informazzjoni; valutazzjoni aħjar tal-impatti sabiex jiġu identifikati kemm il-ksur kif ukoll il-miżuri ġodda li jkunu meħtieġa biex jintlaħaq aħjar is-suq uniku. F’dan il-kuntest, għandu jitqies sa fejn id-deregolamentazzjoni tista’ tilħaq l-għanijiet mixtieqa (previżjoni).

4.3.

Il-KESE jqis li huwa importanti li ngħaddu għal għażla kwalitattiva tar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur li tiżgura proporzjonalità, trasparenza, effikaċja u valur miżjud Ewropew veru.

4.4.

Il-KESE jqis li sabiex jiġi appoġġjat u jittejjeb il-fluss liberu tal-prodotti u s-servizzi għandha tingħata prijorità għall-affermazzjoni tal-klawżoli ta’ rikonoxximent reċiproku, filwaqt li jiġu analizzati l-każijiet individwali.

4.4.1.

Għal dan l-għan hemm bżonn li jiddaħħlu regoli, li wħud minnhom f’każijiet speċifiċi jistgħu jiġu inklużi f’sistema sekondarja, b’referenza għall-aħjar l-esperjenza miksuba mill-Istati.

4.5.

Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ servizzi fis-setturi tal-produzzjoni b’azzjonijiet biex jiżguraw mudelli ta’ negozju ġodda għall-forniment konġunt ta’ prodotti u servizzi. Traspożizzjoni aħjar tad-Direttiva dwar is-Servizzi u tfassil aktar ċar u konġunt tar-regoli ta’ implimentazzjoni jistgħu jiggarantixxu applikazzjonijiet li jkunu kompatibbli ma’ standards tekniċi-regolatorji ta’ kwalità.

4.6.

Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tinkludi kapitolu dwar l-ekonomija kollaborattiva. Huwa diġà adotta bosta opinjonijiet dwar is-suġġett (8). Bħalissa qed iħejji opinjoni esploratorja, fuq talba tal-Presidenza Netherlandiża, u żewġ opinjonijiet fuq inizjattiva proprja dwar temi marbuta ma’ tendenzi ġodda ta’ konsum.

4.6.1.

Il-KESE jqis li l-ekonomija bbażata fuq il-kollaborazzjoni tippermetti progress sinifikanti lejn ekonomija iżjed etika u bbażata fuq il-valuri Ewropej, u li tgħin lill-konsumaturi biex jadottaw mudelli ta’ konsum etiku.

4.6.2.

L-ekonomija kollaborattiva tfisser, f’ċerti aspetti, bidla fil-kunċett tal-kultura tax-xogħol, u għandha potenzjal qawwi għal impjiegi ġodda. Hija tirrappreżenta wkoll integrazzjoni innovattiva fil-qasam ekoloġiku.

4.6.3.

Il-KESE jista’ jikkontribwixxi għall-analiżi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, u diġà ressaq proposta għal struttura permanenti għall-approfindiment tal-aspetti relatati.

4.7.

Il-KESE huwa tal-fehma, li jeħtieġ li nisfruttaw il-potenzjal tal-ekonomija kollaborattiva, filwaqt li għandhom jiġu ċċarati aktar ir-regoli applikabbli għal benefiċċju tagħha, fuq il-bażi ta’ ġbir ta’ data dwar ir-realtajiet madwar l-UE kollha. Kull azzjoni leġislattiva li tittieħed għandha tqis il-bżonn li jiġi żgurat trattament ekwu għall-partijiet kollha preżenti fis-suq. B’rabta ma’ dan iridu jiġu żgurati wkoll l-ogħla standards Ewropej tal-liġi tax-xogħol, tal-protezzjoni soċjali u tal-protezzjoni tal-konsumatur.

4.8.

Skont il-KESE, jeħtieġ nindirizzaw l-ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi b’enfasi fuq servizzi kummerċjali, l-akkomodazzjoni, it-turiżmu, il-bejgħ bl-imnut kif ukoll is-servizzi lill-intrapriżi: l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw aħjar is-servizzi ta’ informazzjoni dwar l-istandards nazzjonali li jolqtu l-forniment tas-servizzi transkonfinali u jiġġustifikaw r-regoli jew rekwiżiti addizzjonali kollha imposti fuq il-fornituri tas-servizzi mingħajr ma jiddiskriminaw, filwaqt li jinnotifikawhom lill-Kummissjoni. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tieħu passi biex tgħaqqad u ttejjeb il-prestazzjoni “tal-punti uniċi ta’ servizz” filwaqt li ttejjeb l-interkonnessjonijiet bejn l-istrumenti eżistenti (9).

4.9.

Il-KESE jqis li huwa fundamentali li jiżdiedu l-proċeduri ta’ ksur sabiex tiġi żgurata kultura ta’ rispett tar-regoli fil-livell tal-UE kif ukoll traspożizzjoni korretta fil-livell nazzjonali: l-Istati Membri għandhom iħaddnu din il-kultura ta’ rispett anke permezz ta’ monitoraġġ ta’ applikazzjoni tar-regoli, proċeduri ta’ ksur li jieħdu żmien iqsar fil-livell Ewropew f’każ ta’ bżonn, u anke kooperazzjoni u sħubija akbar bejn il-Kummissjoni u l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

4.10.

Il-KESE jemmen li l-inizjattivi dwar l-SMEs, l-istartups, l-appoġġ għall-innovazzjoni u l-applikazzjonijiet diġitali għandhom jingħataw aktar prominenza fil-pjan direzzjonali propost, peress li huma kruċjali għat-tkabbir u r-rilanċ tal-impjiegi fl-Unjoni. F’dan il-kuntest, għandha titqies il-possibbiltà li l-imprendituri jingħataw “it-tieni ċans”.

4.11.

Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni sabiex tagħti l-akbar attenzjoni sabiex id-Direttivi ġodda dwar l-akkwist pubbliku (10) jiġu trasposti fil-ħin u b’mod adatt mill-Istati Membri peress li jirrappreżentaw madwar 20 % tal-PDG tal-Unjoni.

4.12.

Il-forom differenti tal-intrapriża fl-UE jiddependu mill-iżvilupp storiku diversifikat tal-kontinent tagħna. Fost il-forom differenti insibu l-ekonomija kollaborattiva li qed iżżid fl-importanza tagħha, għax din kapaċi twieġeb għall-bżonnijiet tas-soċjetà, bi prezz raġonevoli, u tassumi forom differenti ta’ impjieg u intraprenditorija.

4.13.

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi, anke permezz ta’ Pjan, l-ekonomija soċjali u tneħħi l-ostakoli speċifiċi għall-attivitajiet tal-intrapriżi soċjali, li jżommuhom milli jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tas-suq uniku.

4.14.

L-istandardizzazzjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi dejjem iktar, permezz tal-involviment tal-partijiet soċjali u l-partijiet interessati kollha, sabiex tissuplementa u ssaħħaħ il-proċessi li għaddejjin fl-ekonomiji dinjija, kemm biex twassal il-valur miżjud li jiddistingwiha, bħala ekonomija soċjali tas-suq, kif ukoll biex tippromovi l-ekonomija Ewropea fil-proċessi ta’ globalizzazzjoni.

4.14.1.

Huwa ttamat li jkun hemm preżenza aktar qawwija u aktar influwenza tal-kultura tal-istandardizzazzjoni Ewropea fi proċessi globali ta’ standardizzazzjoni.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.    Il-konsumaturi u ċ-ċittadini

5.1.1.

Il-konsumaturi Ewropej huma dejjem aktar konxji li l-gvernijiet tal-Istati Membri, ta’ spiss minħabba interessi ekonomiċi kbar, qed jintroduċu dejjem iżjed ostakoli diretti u indiretti għall-moviment liberu tal-persuni, il-prodotti, is-servizzi u l-kapital.

5.1.2.

L-assigurazzjoni ta’ prodotti, servizzi u responsabbiltà għandha tapplika b’mod liberu fil-pajjiżi kollha tal-UE.

5.1.3.

Għadha ma nħolqitx sistema elettronika komuni fost l-Istati Membri, biex jiġu armonizzati u ssemplifikati l-pedaġġi awtostradali ta’ vetturi privati u kummerċjali.

5.1.4.

Is-sistema tar-reviżjoni tal-vetturi bil-mutur ma ġietx armonizzata u disponibbli għaċ-ċittadin.

5.1.5.

Il-plakek tal-elettriku, li dejjem jintużaw aktar miċ-ċittadini Ewropej, għadhom ma ġewx standardizzati.

5.1.6.

Anke d-daqsijiet tal-ħwejjeġ u ż-żraben huma differenti f’ħafna Stati.

5.1.7.

Il-KESE jittama li jittieħdu azzjonijiet mifruxa għas-sessibilizzazzjoni, mmirati għall-konsumaturi, dwar il-vantaġġi ta’ azzjoni b’saħħitha favur it-tisħiħ ta’ standards komuni fis-suq uniku.

5.1.8.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għall-armonizzazzjoni tal-informazzjoni għaċ-ċittadini dwar l-għamara.

5.2.    Il-persuni b’diżabbiltà

5.2.1.

Il-kategorija ta’ persuni b’diżabbiltà, li tammonta għal 15 % tal-popolazzjoni Ewropea, tbati minn ostakoli oħra li ma jħalluhomx jibbenefikaw mil-libertajiet tas-suq uniku. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-preżentazzjoni reċenti min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea ta’ Att Ewropew dwar l-aċċessibbiltà biex jippromovi l-aċċessibilità tal-prodotti u s-servizzi.

5.3.    Il-professjonijiet

5.3.1.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu regoli komuni għall-professjonijiet liberi, validi fil-pajjiżi Ewropej kollha u jqis li t-tessera professjonali Ewropea għandha tiġi estiża għall-kategoriji kollha possibbli skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva Ewropea dwar kwalifiki professjonali.

5.4.    Il-privattivi

5.4.1.

Is-sistemi ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali huma neqsin, speċjalment għall-SMEs, b’inċertezza dwar il-koeżistenza tal-privattiva unitarja u l-privattivi nazzjonali u ċ-ċertifikati kumplementari ta’ protezzjoni nazzjonali.

5.4.2.

Il-KESE jaqbel dwar il-ħtieġa li jitwaqqaf tribunal unifikat, bil-kapaċità li jiżgura ġurisdizzjoni unika tal-proċessi relatati mal-privattivi.

5.4.3.

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni sabiex il-proċess tal-għoti ta’ titolu unitarju għal ċertifikati komplementari ta’ protezzjoni, jiġi trasferit fil-livell tal-UE.

5.5.    L-akkwist pubbliku

5.5.1.

Fir-rigward tal-akkwist pubbliku, il-KESE jittama li tiġi implimentata sistema ta’ ġbir tad-data u ta’ strumenti analitiċi ġodda li jistgħu jidentifikaw il-problemi u l-irregolaritajiet.

5.5.2.

Jista’ jkun utli li jiġu introdotti reġistri Ewropej tal-akkwist pubbliku bil-għan li jinkixfu anomaliji fil-proċessi tal-akkwist.

5.5.3.

Il-KESE jaqbel li għandu jitwaqqaf mekkaniżmu volontarju ta’ valutazzjoni ex-ante tal-aspetti relatati mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-akkwist pubbliku ta’ ċerti proġetti infrastrutturali kbar.

5.6.    Solvit

5.6.1.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex twessa’ l-ambitu tas-setgħat u l-influwenza tas-SOLVIT, sabiex jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tas-suq uniku mill-Istati Membri, li f’dawn l-aħħar snin jinsabu ferm attenti għaż-żieda qawwija ta’ nazzjonaliżmu.

5.6.2.

Il-KESE jinnota li l-kultura favur l-implimentazzjoni tas-suq uniku għadha dgħajfa, u hemm wisq azzjonijiet nazzjonali ta’ tfixkil kontra l-implimentazzjoni bis-sħiħ tiegħu.

Brussell, is-16 ta’ Marzu 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 177, 11.6.2014, p. 1.

(2)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 31.

(3)  COM(2015) 550 final, punt 1.2.

(4)  EESC-2014-04518-00-00 (Il-kontribut tal-SMO għall-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Istrateġija Ewropa 2020).

(5)  EESC-2015-05912-00-00 (Programm ta’ ħidma tal-SMO).

(6)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 53; ĠU C 76, 14.3.2013, p. 24; ĠU C 24, 28.1.2012, p. 99

(7)  COM(2014) 902 final.

(8)  ĠU C 177,11.6.2014, p. 1; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 26; ĠU C 67, 6.3.2014, p. 23.

(9)  SOLVIT, RAPEX, Product Contact Point, eċċ.

(10)  Direttivi 23/24/25 tal-2014.


18.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/9


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ”

(COM(2015) 583 final)

(2016/C 177/02)

Relatur:

is-Sinjura Milena ANGELOVA

Nhar il-15 ta’ Jannar 2016 u nhar it-18 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ”

(COM(2015) 583 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, li kienet inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Marzu 2016.

Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-16 ta’ Marzu 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’158 vot favur, vot 1 kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta attwali għal Regolament kif ukoll l-approċċ li jirfidha – li r-rekwiżiti jiġu semplifikati u razzjonalizzati għall-prospett ippubblikat meta titoli jiġu offruti fuq is-swieq regolati u b’hekk isiru aktar kosteffettivi u aktar utli għall-investituri f’termini tal-informazzjoni li jkun fihom. Japprezza ċ-ċarezza legali akbar li l-għamla ta’ regolament minflok direttiva f’dan il-każ tagħti lill-emittenti, lill-investituri u lill-partijiet interessati kollha, peress li din ser iżżid il-fiduċja u l-kunfidenza tal-investituri kif ukoll tippromovi l-kisba ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU).

1.2.

Il-KESE jilqa’ l-attenzjoni speċjali mogħtija lill-kisba mill-ġdid tal-fiduċja tal-investituri, japprova l-azzjonijiet partikolari meħuda b’rabta ma’ dan u jappoġġja l-prinċipju li jekk il-prospett isir aktar faċli biex jinftiehem mill-qarrej u aktar immirat għas-sitwazzjoni speċifika tal-emittent dan ikollu l-vantaġġ doppju li jitnaqqsu l-ispejjeż u tiżdied ir-rilevanza tal-prospett għal investituri potenzjali. Il-possibbiltà li l-prospetti kollha fl-UE jkunu aċċessibbli f’bażi ta’ data komuni għandha tagħti spinta konsiderevoli lill-iżvilupp tas-swieq kapitali fl-Ewropa, tagħti aktar kunfidenza lill-investituri u twassal għall-ħolqien ta’ prodotti finanzjarji aktar diversifikati.

1.3.

Il-proposta għal Regolament għandha l-għan ċar li tnaqqas il-piż amministrattiv tat-tfassil ta’ prospetti għall-emittenti kollha, partikolarment għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), emittenti frekwenti ta’ titoli u ħruġ sekondarju, u għaldaqstant jistħoqqilha l-appoġġ tal-KESE. L-isforzi biex il-prospett isir għodda ta’ żvelar aktar rilevanti għal investituri potenzjali u biex tinkiseb aktar konverġenza bejn il-prospett tal-UE u regoli ta’ żvelar oħrajn tal-UE ukoll huma ta’ min ifaħħarhom.

1.4.

Sabiex jiġi garantit li l-proposta għal Regolament ser tikseb l-għanijiet iddikjarati tagħha huwa meħtieġ li l-partijiet interessati kollha jkunu involuti mill-qrib fil-proċess tal-produzzjoni tal-leġiżlazzjoni tat-tieni livell u f’valutazzjoni tal-impatt fil-fond u kwalitattiva li għandha ssir sentejn wara li r-Regolament jibda jiġi applikat. Il-KESE huwa partikolarment interessat li jieħu sehem attiv f’dawn il-konsultazzjonijiet.

1.5.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara xi kwistjonijiet mhux ċari li jistgħu jinfluwenzaw l-impatt tar-Regolament propost u tevita kwalunkwe sitwazzjoni fejn il-marġni ta’ diskrezzjoni li jitħalla lill-Istati Membri jkun jista’ jikkontribwixxi biex jinħoloq piż bla bżonn u sproporzjonat għall-emittenti jew ikun jista’ jippreġudika ċ-ċarezza tal-informazzjoni rilevanti għall-investituri. Huwa għaldaqstant irrakkomandat bis-sħiħ li l-ESMA, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha li ġġib il-prattiki superviżorji fl-Istati Membri f’konverġenza eqreb, tqis il-fehmiet mhux biss tal-awtoritajiet regolatorji lokali, iżda wkoll tal-partijiet interessati lokali, fosthom il-parteċipanti fis-suq.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea

2.1.

Ir-riforma tal-leġiżlazzjoni marbuta mal-pubblikazzjoni tal-prospetti meta t-titoli jiġu offruti lill-pubbliku hija parti mit-tielet pilastru tal-Pjan ta Investiment għall-Ewropa (1), li jipprova jtejjeb l-ambjent għan-negozju u huwa element ewlieni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (2).

2.2.

Il-proposta għal Regolament hija riżultat tal-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea fuq perjodu twil biex ittejjeb il-qafas legali għall-iżvelar ta’ informazzjoni meta jinħarġu titoli. Għaldaqstant, il-komponenti tal-proposta għandhom jiġu evalwati retrospettivament, billi jitqies il-progress li diġà sar fid-diversi stadji ta’ dan l-isforz.

2.2.1.

Id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ħadet post żewġ direttivi preċedenti dwar il-partikolaritajiet tal-listi (1980) (4) u l-prospetti (1989) (5) – li kienu ngħataw kritika qawwija mill-partijiet interessati għax kienu jippermettu prattiki li jvarjaw ħafna madwar l-Unjoni u kienu msejsin fuq sistema ta’ għarfien reċiproku li kienet tħalli ammont sinifikanti ta’ diskrezzjoni għall-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti. Introduċiet ukoll għall-ewwel darba l-prinċipju ta’ “passaport waħdieni”.

2.2.2.

Ir-reviżjoni tal-2010 tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill wriet li, għalkemm sar xi ftit progress, din id-Direttiva kienet għadha nieqsa miċ-ċarezza legali meħtieġa, ma kinitx effettiva u effiċjenti biżżejjed u ma kinitx toħloq il-bilanċ meħtieġ bejn l-effiċjenza tas-suq u l-protezzjoni tal-investitur. Għaldaqstant ġiet sostitwita mid-Direttiva 2010/73/UE (6).

2.2.3.

L-impatt tad-Direttiva 2010/73/UE ġie evalwat tliet snin wara li bdiet tiġi applikata. Il-valutazzjoni wriet b’mod ċar li ma kienx irnexxielha tipproduċi r-riżultati mistennija (is-sommarju tal-prospett, pereżempju), li ma kinitx ambizzjuża biżżejjed (is-sistemi proporzjonati ta’ żvelar) jew sempliċiment ma kienx fiha miżuri biex jissodisfaw l-istennijiet kollha tal-partijiet interessati.

2.2.4.

Il-proposta għal Regolament fiha bosta karatteristiċi u miżuri ġodda u tista’ titqies bħala pass kbir ‘il quddiem lejn regolamentazzjoni mtejba u aktar effettiva ta’ ħruġ ta’ titoli għall-pubbliku u sabiex l-emittenti u l-investituri jkunu jistgħu jwettqu azzjonijiet b’mod effettiv fl-UE.

2.3.

Il-mira ewlenija tal-proposta hija li jsir aktar faċli u jiswa anqas flus biex il-kumpaniji jiġbru kapital madwar l-Unjoni fuq il-bażi ta’ approvazzjoni waħdanija minn awtorità regolatorja fi Stat Membru wieħed biss (normalment il-pajjiż ta’ domiċilju), waqt li fl-istess ħin tiġi garantita informazzjoni li hi biżżejjed u ġenwina għall-investituri.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex tissemplifika t-tfassil u l-proċeduri involuti fil-pubblikazzjoni ta’ prospetti meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat li jkun jinsab jew ikun jopera fi Stat Membru, li b’hekk jagħmluhom aktar kosteffettivi u aktar utli għall-investituri f’termini tal-informazzjoni li jkun fihom. Il-KESE diġà kien esprima l-appoġġ tiegħu għal dawn l-istess prinċipji fl-Opinjoni tiegħu dwar id-Direttiva 2003/71/KE (7).

3.2.

Il-KESE jisħaq dwar l-importanza li terġa’ tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja tal-investituri u b’rabta ma’ dan jilqa’ l-attenzjoni speċjali li ngħatat lill-investituri fl-abbozz ta’ Regolament. Japprova l-azzjonijiet partikolari meħuda b’rabta ma’ dan u jappoġġja l-prinċipju li jekk il-prospett isir aktar faċli biex jinftiehem mill-qarrej u aktar immirat għas-sitwazzjoni speċifika tal-emittent dan ikollu l-vantaġġ doppju li jitnaqqsu l-ispejjeż u tiżdied ir-rilevanza tal-prospett għal investituri potenzjali. Japprezza wkoll it-titjib fl-istrutturar tal-fatturi ta’ riskju fil-prospett.

3.3.

Il-KESE jappoġġja u japprova bis-sħiħ ukoll il-fehma tal-Kummissjoni li trid tittieħed azzjoni biex tittejjeb is-sitwazzjoni għall-emittenti billi jitnaqqas il-piż amministrattiv meta jiġu offruti titoli lill-pubbliku, minħabba li l-SMEs bħalissa f’dan ir-rigward jiġu mxekkla mill-ammont vast ta’ dokumentazzjoni meħtieġa u l-ispejjeż għoljin li din tinvolvi. Il-Kumitat jemmen li l-iffrankar stmat ta’ ħin u spejjeż għall-emittenti msemmi fil-valutazzjoni tal-impatt tal-proposta għal Regolament (madwar EUR 175 miljun fis-sena) ser jikkontribwixxi aktar għal żieda fil-kompetittività tan-negozju tal-UE.

3.4.

Il-KESE jemmen li l-possibbiltà li l-prospetti kollha fl-UE jkunu aċċessibbli f’bażi ta’ data komuni għandha tagħti spinta konsiderevoli lill-iżvilupp tas-swieq kapitali fl-Ewropa, tagħti aktar kunfidenza lill-investituri u twassal għall-ħolqien ta’ prodotti finanzjarji aktar diversifikati. Sabiex tali bażi ta’ data tkun tassew effiċjenti għandha tkun imfassla b’mod faċli għall-utent b’formati li jippermettu li l-informazzjoni tkun faċilment aċċessibbli u utilizzabbli.

3.5.

Il-KESE jilqa’ r-rekwiżit li tiġi żvelata anqas informazzjoni – iżda standardizzata – li ser jissemplifika wkoll il-ħidma tal-amministrazzjonijiet ikkonċernati u b’hekk inaqqas l-ispejjeż tal-operat tagħhom.

3.6.

Il-KESE jilqa’ l-għażla tal-istrument leġiżlattiv u d-deċiżjoni li dan il-qasam jiġi regolat bl-użu ta’ regolament u mhux direttiva. Regolament, peress li huwa sett waħdieni ta’ dispożizzjonijiet li għandhom jiġu implimentati direttament mill-Istati Membri kollha, jelimina d-diskrezzjoni li kien hemm sa issa fit-traspożizzjoni tad-Direttiva (8) fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri. L-adozzjoni ta’ regolament tiżgura l-unità u l-integrità tas-suq intern, tnaqqas id-diskrepanzi u l-frammentazzjoni fost id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fis-seħħ fi ħdan l-UE u jgħin il-ħolqien tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Approċċ bħal dan ser jagħmel il-ħajja aktar faċli għall-investituri li mhux ser ikollhom għalfejn jiffamiljarizzaw rwieħhom ma’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali meta jiddeċiedu dwar l-investiment f’pajjiż barrani.

3.7.

Minħabba l-mod kif il-liġi tal-UE dwar il-prospetti evolviet u l-ħtieġa evidenti għat-titjib kontinwu tagħha, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni – anki fl-istadju tal-proposta – esprimiet il-ħsieb tagħha li tivvaluta l-impatt tar-Regolament wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u, b’mod aktar speċifiku, li stabbilixxiet il-parametri għal dan. Madankollu, il-Kumitat jaħseb li ħames snin huwa perjodu twil wisq ta’ stennija għal evalwazzjoni daqstant importanti u jħeġġeġ it-tnaqqis konsiderevoli ta’ dan il-perjodu – għal sentejn wara li r-Regolament jibda jiġi applikat. Dan għandu jippermetti li jkun hemm stampa ġenerali aktar malajr tal-effetti prodotti mir-Regolament propost u għat-teħid ta’ azzjonijiet korrettivi jekk ikun meħtieġ. Il-KESE jirrakkomanda li ssir evalwazzjoni kwalitattiva fil-fond sabiex tikkomplementa l-parametri ddikjarati ta’ valutazzjoni kwantitattiva, inkluża valutazzjoni kwalitattiva fil-fond ikkonċentrata wkoll fuq analiżi ta’ kif – u sa fejn – il-kapital miġbur bis-semplifikazzjoni tal-prospetti tejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji u sa liema punt għen biex isir progress fil-promozzjoni tas-swieq kapitali fl-Istati Membri – u kif dan affettwa l-ambjent ġenerali għan-negozju fihom. Huwa kruċjali wkoll li jiġi evalwat ukoll jekk l-Istati Membri jkunux użaw “gold-plating” fl-implimentazzjoni tar-Regolament meta japplikaw id-dispożizzjonijiet tiegħu f’oqsma fejn għandhom diskrezzjoni fl-adattament tagħhom.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Żieda fil-limitu massimu għal ħruġ li jeħtieġ prospett għal EUR 500 000 (9) huwa pass fid-direzzjoni t-tajba fis-semplifikazzjoni tal-burokrazija bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament. Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Istati Membri li jirrikjedu forom speċjali għall-iżvelar ta’ informazzjoni għal dan il-ħruġ (10) m’għandhux joħloq ostakli amministrattivi addizzjonali u “gold-plating” (11) u huwa xi ħaġa li għandha tiġi inkluża fil-valutazzjoni tal-impatt li għandha ssir wara li r-Regolament ikun beda jiġi applikat. Il-KESE jara xi riskji potenzjali f’dan ir-rigward u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn dan waqt il-valutazzjoni tal-impatt.

4.2.

Il-KESE jappoġġja b’mod sħiħ l-attenzjoni speċjali mogħtija mill-Kummissjoni għall-provvediment ta’ definizzjoni preċiża ta’ “SME” u jaqbel mal-fehma li jistgħu jkunu meħtieġa aktar aġġustamenti ta’ din id-definizzjoni (12). Il-Kumitat diġà enfasizza l-ħtieġa li tingħata definizzjoni unifikata, aġġornata u aktar preċiża f’għadd ta’ opinjonijiet reċenti tiegħu (13).

4.2.1.

Il-KESE jappoġġja d-definizzjoni użata fl-abbozz ta’ Regolament (Artikolu 2(1)(f)) li tintroduċi r-rekwiżit li mill-inqas tnejn mit-tliet kriterji stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2003/361 (14) jiġu sodisfatti fl-istess ħin. Dan l-approċċ għandu jiġi adottat b’mod iktar mifrux u jiġi integrat fil-proposti leġiżlattivi kollha tal-Kummissjoni, kif ukoll fil-liġijiet u l-prattiki amministrattivi tal-Istati Membri.

4.2.2.

Il-Kumitat huwa wkoll favur ħafna li l-limitu massimu jiżdied minn EUR 100 għal EUR 200 miljun għad-definizzjoni ta’ “kumpanija b’kapitalizzazzjoni tas-suq imnaqqsa” (15), li tafferma mill-ġdid id-definizzjoni li tinsab fid-Direttiva 2014/65/UE (16) u telimina d-diskrepanza bejn din u d-definizzjoni fid-Direttiva 2003/71/KE (17).

4.3.

Il-possibbiltà li jiġu ppubblikati “prospetti volontarji” (18) tipprovdi flessibbiltà addizzjonali għall-emittenti u tiffaċilita l-aċċess għas-swieq kapitali tal-UE.

4.4.

Id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw kummerċ “kaskata” sussegwenti ta’ titoli (19) huma element ġdid pożittiv ferm.

4.5.

Id-deskrizzjoni estremament dettaljata proposta tas-sommarju tal-prospett (20) tnaqqas b’mod sinifikanti l-piż fuq l-emittenti, u b’hekk telgħeb in-nuqqas identifikat fid-Direttiva 2010/73/UE bħala riżultat tal-valutazzjoni. L-obbligu li tiġi inkluża biss informazzjoni essenzjali u materjali jissemplifika l-affarijiet kemm għall-emittenti kif ukoll għall-investituri, sabiex ikun iktar faċli għall-investituri biex jinnavigaw id-data pprovduta u biex iqabblu l-prospetti tad-diversi emittenti. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-responsabbiltà ċivili tiġi applikata fil-każijiet kollha.

4.6.

Il-possibbiltà prevista tat-tfassil ta’ prospett bażi meta jinħarġu titoli mingħajr ekwità tipprovdi flessibbiltà għal kategorija addizzjonali ta’ emittenti.

4.7.

Id-dokument ta’ reġistrazzjoni universali huwa alternattiva interessanti (21) li tnaqqas b’mod sinifikanti ħafna mix-xkiel amministrattiv għall-utenti frekwenti u għalhekk tiffaċilita l-aċċess tagħhom għas-swieq kapitali.

4.8.

Ir-reġimi ta’ żvelar speċifiku (22), li għal darb’oħra jagħmluha faċli biex il-kumpaniji jippubblikaw u l-investituri jipproċessaw informazzjoni, ukoll jistħoqqilhom apprezzament u appoġġ.

4.9.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) ser tingħata x-xogħol li tipprovdi qafas għal ċerti standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni. Dawn jinkludu linji gwida għat-trattament aktar ċar tal-fatturi ta’ riskju u l-allokament tagħhom għal kategoriji xierqa b’enfasi fuq riskji speċifiċi pjuttost milli dawk ġenerali, kif ukoll listi għall-espansjoni tal-informazzjoni żvelata li tista’ tiġi inkorporata b’referenza fil-prospett. Dan ser imexxi ‘l quddiem l-integrazzjoni fil-qasam tas-swieq kapitali.

4.10.

Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu inklużi wkoll proposti mmirati lejn aktar standardizzazzjoni tal-proċeduri għall-eżami u r-reviżjoni ta’ prospett fil-każ ta’ sospensjoni jew kanċellazzjoni ta’ pubblikazzjoni. F’ħafna każijiet hemm għadd ta’ proċeduri ta’ trażmissjoni lura u ‘l quddiem qabel id-deċiżjoni finali mill-istituzzjoni regolatorja. Dan iwassal għal dewmien bla bżonn li jista’ jwassal għal ammont konsiderevoli ta’ spejjeż għall-emittent meta mqabbla ma’ sitwazzjoni fejn ir-rakkomandazzjonijiet kollha mir-regolatur jiġu ppreżentati f’pass wieħed. Għalhekk, fil-fehma tal-Kumitat, biex isir progress fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali, ikun utli li l-ESMA tfassal regoli uniformi għall-Istati Membri dwar limiti ta’ żmien u dwar il-formati għal struzzjonijiet speċifiċi għal emittenti potenzjali dwar kif għandu jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas f’abbozz ta’ prospett. Dan jagħmilha eħfef għall-emittenti – speċjalment l-SMEs – biex ifasslu l-prospett tagħhom u joħloq ukoll ambjent aktar omoġenu, billi jitnaqqsu r-raġunijiet għal diskrezzjoni regolatorja.

4.11.

Il-Kumitat jappoġġja wkoll il-prattika li tippermetti parti volontarja fil-prospett fejn il-kumpaniji jkunu jistgħu jagħtu lill-investituri informazzjoni addizzjonali mhux finanzjarja fattwalment korretta dwar kwistjonijiet bħall-ħarsien ambjentali, il-prattiki ta’ produzzjoni, is-sehem fi programmi soċjali, eċċ. Informazzjoni bħal din hija partikolarment importanti għal kumpaniji pubbliċi kbar li huma r-rappreżentanti ewlenin tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva f’konformità mat-talba li l-prospett ikun korrett, ċar u komplet.

4.12.

Il-KESE jixtieq jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet imniżżlin hawn taħt għat-titjib tal-annessi tal-proposta għal Regolament:

4.12.1.

It-taqsimiet li jindirizzaw ir-riskji għandhom ikunu aktar speċifiċi: id-dokument ta’ reġistrazzjoni għandu jagħmel distinzjoni bejn ir-riskji għall-kumpanija u dawk għan-negozju tagħha (Anness II, II.C., p. 5).

4.12.2.

Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ informazzjoni, in-nota dwar it-titoli għandha tkopri biss riskji assoċjati ma’ titoli (Anness III, III.C., p. 8).

4.12.3.

L-identifikazzjoni ta’ diretturi, membri tal-maniġment superjuri, konsulenti, awdituri u ċertu tagħrif ieħor (Anness III, p. 8, I) għandha titneħħa min-nota dwar it-titoli, peress li din l-informazzjoni hija inkluża fid-dokument ta’ reġistrazzjoni, sakemm ma jkunx hemm azzjonisti li joħorġu titoli.

4.12.4.

L-istatut tal-emittent jista’ jsir disponibbli bħala dokument separat li l-prospett jista’ jirreferi għalih.

4.12.5.

Il-KESE jirrakkomanda li jitnaqqas iż-żmien għall-approvazzjoni tal-prospetti ta’ emittenti irregolari u li jitqassar iż-żmien permess għal tweġiba mir-regolatur meta jsiru emendi, li għandu jkun iqsar mill-perjodu propost fil-bidu. Għandu jkun possibbli wkoll li jiġu sottomessi biss il-partijiet ikkoreġuti tal-prospett bi tweġiba għal kummenti u li jitnaqqas l-għadd ta’ kopji stampati billi tiġi introdotta verżjoni elettronika tal-prospett u l-annessi tiegħu.

4.12.6.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi perjodu raġonevoli li jippermetti progress bla xkiel fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda u jippermetti li s-swieq u l-emittenti jadattaw kif meħtieġ għall-bidliet involuti.

5.   Kwistjonijiet pendenti

5.1.

Xi kwistjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw l-impatt tar-Regolament propost mhumiex iċċarati biżżejjed u l-KESE jirrakkomanda li jiġu indirizzati aħjar.

5.1.1.

Jiġi introdott limitu massimu ta’ EUR 500 000 għall-offerti ta’ titoli, b’ebda prospett meħtieġ jekk il-valur tal-ħruġ ikun anqas minn dan (23). Fil-każ imsemmi l-aħħar, ir-regolaturi nazzjonali jistgħu, skont id-diskrezzjoni tagħhom, jipprevedu li l-emittenti jwettqu “forom xierqa ta’ żvelar”. Il-KESE jirrakkomanda li l-kontenut ta’ dawn il-“forom xierqa” jiġi stabbilit minn qabel biex jiġi evitat kwalunkwe trattament mhux ugwali possibbli ta’ dawn l-emittenti fi Stati Membri differenti tal-UE u li dawn ikunu aktar sempliċi mill-prospett.

5.1.2.

Barra minn hekk, huwa previst li r-regolaturi nazzjonali jeżentaw il-ħruġ kollu bejn EUR 500 000 u EUR 10 000 000 mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-prospett armonizzat, sakemm l-eżenzjoni tkun marbuta biss mal-proposta fl-Istat Membru kkonċernat u ma titlobx li l-prospett jiġi “ppassaportat”. F’dan ir-rigward, aħna naħsbu li aktar ma jkun kbir l-ambitu ta’ diskrezzjoni tar-regolatur nazzjonali, aktar tkun kbira l-possibbiltà ta’ trattament mhux indaqs tal-istess kategoriji ta’ emittenti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri differenti. Dan jgħin ukoll sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi potenzjali ta’ livelli aktar baxxi ta’ ħarsien tal-konsumatur. Minħabba dan, aħna nemmnu li l-ambitu għal diskrezzjoni nazzjonali għandu b’xi mod jitnaqqas. Biex l-idea tiġi żviluppata pass aktar ‘il quddiem, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tanalizza jekk l-eżenzjoni msemmija hawn fuq tal-ħruġ kollu bejn EUR 500 000 u EUR 10 000 000 tistax possibbilment tkun ta’ ħsara speċjalment għall-SMEs mill-perspettiva tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra, fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ din l-analiżi, jekk din l-eżenzjoni għandhiex tinżamm jew jekk ikunx aħjar li titneħħa.

5.1.3.

L-atti delegati fit-tifsira tal-Artikolu 42 tar-Regolament propost għandhom jiġu diskussi fit-tul mal-partijiet interessati kollha qabel l-adozzjoni finali tagħhom. Il-KESE huwa partikolarment interessat li jaqdi rwol attiv fil-konsultazzjonijiet dwar l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tat-Tieni Livell.

5.1.4.

Bl-istess mod, l-ESMA, fit-tħaddim tas-setgħat tagħha sabiex tiżgura l-konverġenza tal-prattiki superviżorji fl-Istati Membri, għandha tqis il-fehmiet mhux biss tal-awtoritajiet regolatorji lokali, iżda wkoll tal-partijiet interessati lokali, fosthom il-parteċipanti fis-suq.

5.1.5.

Minħabba li ma huwa meħtieġ ebda prospett għal ħruġ ta’ anqas minn EUR 500 000, u dan jaqa’ lil hinn mill-ambitu tar-Regolament, il-KESE jirrakkomanda li l-KE jew l-ESMA tagħti rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar kif jiċċaraw l-istatus ta’ “SMEs emittenti”, li mhumiex permessi jinnegozjaw fi swieq regolati iżda jinnegozjaw f’Faċilitajiet Multilaterali tan-Negozjar jew permezz ta’ pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikopru wkoll il-kwistjoni ta’ jekk kumpaniji bħal dawn għandhomx jissejħu kumpaniji pubbliċi jew privati u liema arranġamenti superviżorji ser ikun hemm għalihom.

5.1.6.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għat-test tal-Artikolu 25(2), li jsemmi “lingwa komuni fl-isfera tal-finanzi internazzjonali” u jispeċifika li din għandha tkun lingwa uffiċjali tal-UE, u aċċettata mill-pajjiż ospitanti.

5.1.7.

Fir-rigward tal-Artikolu 7 dwar is-sommarju li jipprovdi t-tagħrif lill-investituri, ikun pożittiv jekk jiġu inklużi twissijiet speċifiċi dwar ir-riskji assoċjati mal-investiment.

Brussell, is-16 ta’ Marzu 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  СОМ(2014) 903 final.

(2)  СОМ(2015) 468 final. Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Unjoni tas-Swieq Kapitali jippreżenta programm komprensiv u ambizzjuż ta’ miżuri biex jissaħħaħ ir-rwol tal-finanzi bbażati fuq is-swieq fl-ekonomija Ewropea.

(3)  Id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 80/390/KEE tas-17 ta’ Marzu 1980 li tikkoordina l-ħtiġiet għat-tfassil, l-iskrutinju u d-distribuzzjoni tal-partikolaritajiet tal-listi li jridu jiġu ppubblikati sabiex jiddaħħlu t-titoli fil-listi uffiċjali tal-Borża (ĠU L 100, 17.4.1980, p. 1)

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/298/KEE tas-17 ta’ April 1989 li tikkoordina l-ħtiġiet għat-tħejjija, l-iskrutinju u d-distribuzzjoni tal-prospectus li għandu jiġi ppubblikat meta titoli trasferibbli jiġu offerti lill-pubbliku (ĠU L 124, 5.5.1989, p. 8).

(6)  Direttiva 2010/73/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat (ĠU L 327, 11.12.2010, p. 1).

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar id-Direttiva 2010/73/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat (ĠU C 347, 18.12.2010, p. 79).

(8)  Direttiva 2010/73/UE.

(9)  Artikolu 1(3)(d) tal-proposta għal Regolament.

(10)  Artikolu 3(2) tal-proposta għal Regolament.

(11)  Fil-Komunikazzjoni tagħha “Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE” (COM(2015) 215 final, p. 7), il-Kummissjoni tiddefinixxi “gold-plating” kif ġej: “L-Istati Membri wkoll ta’ sikwit imorru lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-UE meta jimplimentawha fil-livell nazzjonali (‘gold-plating’).” Il-Kummissjoni żżid, fl-istess punt, li “[d]an jista’ jsaħħaħ il-benefiċċji iżda jista’ wkoll iżid l-ispejjeż bla bżonn għan-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi li huma b’mod żbaljat assoċjati mal-leġiżlazzjoni tal-UE.”

(12)  Artikolu 2(1)(f) tal-proposta għal Regolament.

(13)  Opinjoni tal-KESE fuq il-Green Paper dwar il-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 64) u r-rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar l-Aċċess għall-Finanzjament għall-SMEs EESC-2014-06006-00-00-ri-tra u l-Opinjoni tal-KESE dwar in-Negozji tal-Familja fl-Ewropa bħala sors ta’ tkabbir imġedded u impjiegi (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 8). F’dawn l-Opinjonijiet il-Kummissjoni tħeġġet tirfina d-definizzjoni ta’ SMEs sabiex tirrifletti aħjar id-diversità tal-kumpaniji fl-Ewropa u tindirizza l-ħtieġa li jiġu standardizzati d-definizzjonijiet differenti stipulati bħalissa fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (li tirriproduċi b’mod ġenerali r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280/KE tal-1996, hija ferm antikwata u ma tqisx it-tkabbir tal-UE), fid-Direttiva 2014/65/UE tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji, u fid-Direttiva 2013/34/UE tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi (id-diskrepanzi fid-definizzjoni offruta miż-żewġ Direttiva jiġu indirizzati fil-proposta preżenti għal Regolament).

(14)  Artikolu 2(1)(f) tal-proposta għal Regolament. Fil-prattika, id-definizzjoni oriġinali ta’ SMEs kif stabbilita fir-Rakkomandazzjoni 96/280/KE titlob li tnejn mit-tliet kriterji jiġu sodisfatti fl-istess ħin. Iżda r-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE mbagħad tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet kompetenti għal raġunijiet ta’ semplifikazzjoni amministrattiva, li jużaw biss kriterju wieħed – l-għadd tal-persunal – għall-implimentazzjoni ta’ xi wħud mill-politiki tagħhom (il-premessa (7)), li jwassal għall-esklużjoni ta’ proporzjon kbira ta’ kumpaniji mill-ambitu tad-definizzjoni, li kienu jikkwalifikaw kieku tnejn mit-tliet kriterji ntużaw fl-istess ħin skont id-definizzjoni inizjali.

(15)  Artikolu 2(1)(f), it-tieni inċiż, tal-proposta għal Regolament.

(16)  Artikolu 4(1)(13) tad-Direttiva 2014/65/UE.

(17)  Artikolu 2(1)(t) tad-Direttiva 2003/71/KE.

(18)  Artikolu 4 tal-proposta għal Regolament.

(19)  Artikolu 5 tal-proposta għal Regolament.

(20)  Artikolu 7 tal-proposta għal Regolament.

(21)  Artikolu 9, flimkien ma’ Artikoli 10(2), 11(3), 13(2) u 19(5) tal-proposta għal Regolament.

(22)  Artikoli 14 u 15 tal-proposta għal regolament.

(23)  Artikolu 1(3)(d) tal-proposta għal Regolament.


18.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/16


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bank Ċentrali Ewropew – Pjan ta’ direzzjoni lejn rappreżentanza esterna aktar konsistenti taż-Żona tal-Euro f’fora internazzjonali”

(COM(2015) 602 final)

u dwar

“Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri bl-għan li tiġi stabbilita progressivament rappreżentanza unifikata taż-Żona tal-Euro fil-Fond Monetarju Internazzjonali”

(COM(2015) 603 final – 2015/0250 (NLE))

(2016/C 177/03)

Relatur:

is-Sur Petr ZAHRADNÍK

Nhar il-11 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bank Ċentrali Ewropew – Pjan ta’ direzzjoni lejn rappreżentanza esterna aktar konsistenti taż-Żona tal-Euro f’fora internazzjonali

(COM(2015) 602 final)

u dwar

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri bl-għan li tiġi stabbilita progressivament rappreżentanza unifikata taż-Żona tal-Euro fil-Fond Monetarju Internazzjonali

(COM(2015) 603 final – 2015/0250 (NLE)).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Marzu 2016.

Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-17 ta’ Marzu 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’204 voti favur, 5 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet (proposti)

1.1.

Il-konklużjoni ġenerali prinċipali hija li jekk iż-żona tal-euro trid tkun aktar attiva, effettiva u viżibbli fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, jeħtieġ li hija żżid ir-rappreżentanza esterna tagħha. Dan imbagħad għandu jsaħħaħ il-piż relattiv tagħha fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u jagħtiha pożizzjoni aktar prominenti fis-swieq finanzjarji internazzjonali. Il-KESE esprima l-fehmiet tiegħu dwar dan is-suġġett anke qabel ma l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dawn id-dokumenti (1).

1.2.

Il-KESE japprova r-raġunament li jirfed iż-żewġ dokumenti diskussi hawn, jiġifieri li, wara tisħiħ notevoli tal-governanza interna taż-żona tal-euro (speċjalment bejn l-2009 u l-2014), issa jagħmel sens li dan jiġi bbilanċjat permezz tat-titjib tar-rappreżentanza taż-żona fl-ekonomija globali. Dan juri tisħiħ tal-pilastru politiku li jiggarantixxi bilanċ u armonija xerqin bejn il-koeżjoni interna u dak li ż-żona tal-euro teħtieġ biex topera esternament, u jwassal ukoll għal konverġenza fil-mudelli ta’ politika ekonomika tal-pajjiżi fiha.

1.3.

Il-KESE jaqbel ukoll mal-prijoritizzazzjoni tat-tisħiħ tar-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro fil-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Hemm għadd ta’ raġunijiet għal dan, ewlenija fosthom ir-rwol dominanti tal-FMI fil-governanza ekonomika globali u fil-politika ekonomika, kif ukoll l-involviment tabilħaqq reali tiegħu fil-pakketti ta’ salvataġġ għal numru ta’ Stati Membri tal-UE fis-snin riċenti.

1.4.

Fl-istess ħin, madankollu, il-KESE jaħseb li r-rappreżentanza esterna mtejba proposta tal-UE jew taż-żona tal-euro hija l-ewwel pass fi proċess sħiħ li ser ikun segwit minn xenarju daqstant dettaljat b’rabta mal-istituzzjonijiet rilevanti l-oħrajn – bħall-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI) jew l-OECD – li għandhom rwol fl-estensjoni tal-miri ta’ Unjoni Bankarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li żżomm mal-prijorità li ssaħħaħ ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro fil-FMI, għandha tfassal ukoll xenarji sabiex tagħmel ir-rabtiet ma’ korpi internazzjonali rilevanti oħrajn aktar b’saħħithom u aktar effettivi, b’attenzjoni partikolari għar-responsabbiltajiet tagħhom.

1.5.

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-għan aħħari ta’ siġġu wieħed fil-FMI sal-2025, kif stabbilit fil-proposta għal rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro, kif ukoll max-xenarju sabiex jintlaħaq dan il-għan. Huwa jappoġġja wkoll it-talba tal-Kummissjoni sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jilħqu kunsens li jagħti ċ-ċans lil dan tal-aħħar jadotta deċiżjoni ġeneralment vantaġġuża dwar l-approċċ propost.

1.6.

Dwar dan il-punt il-KESE jirrakkomanda wkoll li b’mod ċar u espliċitu jiġu ddefiniti, minn naħa, ir-rwoli tar-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro u, min-naħa l-oħra, ir-rabtiet tagħhom ma’ dawk tal-UE kollha kemm hi, bil-ħsieb li tinżamm l-integrità tas-suq uniku. Il-KESE jaħseb li r-rappreżentanza proposta taż-żona tal-euro fil-FMI tinvolvi materji li, fir-realtà u fis-sustanza, mhumiex ristretti biss għaż-żona nnifisha, iżda huma estremament rilevanti wkoll għall-UE kollha kemm hi u għall-Istati Membri kollha tagħha. Fl-istess ħin, il-KESE jappoġġja l-idea li t-tkabbir futur taż-żona tal-euro jiġi kkunsidrat fil-proċess tar-rappreżentanza esterna tagħha. Koordinazzjoni bħal din tista’ tikkostitwixxi raġuni u ġustifikazzjoni addizzjonali fil-valutazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar jekk Stat Membru jkunx imħejji biżżejjed biex jingħaqad maż-żona tal-euro.

1.7.

Il-KESE jaqbel mal-elementi ewlenin tax-xenarju bi tliet fażijiet biex jinkiseb siġġu waħdieni fil-FMI sal-2025 u l-istadji transizzjonali li jwasslu għal dan. Madankollu, il-pressjoni politika korrispondenti għandha tiġi diretta lejn l-iżgurar tal-ħarsien f’waqtu tal-obbligi u l-impenji li jirriżultaw minn dan għall-Istati Membri.

1.8.

Il-Kumitat japprova wkoll il-proposta sabiex tinħoloq struttura li twassal għall-pożizzjoni ta’ rappreżentant responsabbli għall-interessi taż-żona tal-euro – primarjament fil-FMI, iżda wkoll fl-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti l-oħrajn kollha fi Brussell (li tagħmel l-SCIMF sottokumitat komprensiv tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju). Għandu jkun hemm ukoll entità li tirrappreżenta l-interess komuni taż-żona tal-euro f’Washington, fejn tiġi stabbilita wkoll koordinazzjoni reali u espliċita fir-rigward tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro.

1.9.

Il-KESE jantiċipa li l-proċedura proposta ser tirriżulta f’koordinazzjoni aktar effiċjenti u aktar b’saħħitha bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-politika ekonomika u d-dimensjoni esterna tagħha u qed jistenna li jkun hemm koordinazzjoni korrispondenti f’dan ir-rigward bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi rilevanti tal-UE, u li tiġi żgurata wkoll trasparenza sħiħa.

1.10.

Fil-fehma tal-KESE, iż-żewġ dokumenti fil-biċċa l-kbira tagħhom jikkonċentraw fuq l-aspetti ta’ proċedura u organizzattivi jew leġiżlattivi/ġuridiċi tal-kwistjoni. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi inkluża analiżi ekonomika u spjegazzjoni qasira tal-benefiċċji u l-effetti mistennija wara l-implimentazzjoni tagħha.

1.11.

Il-KESE jaqbel ma’ u jappoġġja l-prattika proposta li jiġu sottomessi rapporti regolari, li jibdew l-aktar kmieni mir-rebbiegħa 2017, dwar il-progress li jkun sar fit-tisħiħ tar-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro.

2.   Il-proposti tal-Kummissjoni: is-sustanza u l-analiżi

2.1.

Din l-opinjoni tiġbor fil-qosor l-osservazzjonijiet dwar żewġ dokumenti li ġew ippubblikati fil-21 ta’ Ottubru 2015 bħala parti minn pakkett ta’ miżuri għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea (UEM). It-tnejn jittrattaw waħda mill-prijoritajiet tal-pakkett imsemmi – jiġifieri r-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro. Il-pakkett huwa ddisinjat bħala sistema ta’ passi kontinġenti u relatati ma’ xulxin, li kollha huma essenzjali sabiex ikun jista’ jintlaħaq l-għan mixtieq fl-2025.

2.2.

L-idea sottostanti tibni fuq il-proposti eżistenti għat-twaqqif ta’ UEM profonda u ġenwina (Novembru 2012) u kienet enfasizzata aktar fir-rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015.

2.3.

Id-dokumenti li qegħdin jiġu diskussi jeħduha bħala xi ħaġa ovvja li l-FMI huwa l-istituzzjoni ewlenija li fir-rigward tagħha għandha tissaħħaħ ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro.

2.4.

Żona tal-euro li jkollha siġġu wieħed tkun tista’ wkoll titkellem mal-FMI b’vuċi waħda dwar kwistjonijiet fejn il-politiki tal-UE huma fil-biċċa l-kbira tagħhom ikkoordinati, jiġifieri l-politika ekonomika u baġitarja, is-sorveljanza makroekonomika, il-politiki dwar ir-rati tal-kambju u l-istabbiltà finanzjarja.

2.5.

Il-proposta b’reazzjoni għal din is-sitwazzjoni hija għal rappreżentanza esterna aktar konsistenti u effettiva taż-żona tal-euro fil-FMI abbażi ta’ strateġija sabiex jintlaħaq qbil kemm jista’ jkun malajr fuq xenarju li għandu jiġi implimentat pass wara pass. Huma proposti tliet stadji.

2.6.

Il-kunċett għat-tisħiħ tar-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro għandu jiġi implimentat b’mod trasparenti u s-sezzjonijiet rilevanti tal-pubbliku għandhom jiġu infurmati permezz ta’ rapporti tal-progress regolari.

2.7.

Ir-rappreżentanza unika taż-żona tal-euro fil-FMI, kif finalment prevista fl-2025, hija speċifikata kif ġej fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-proposta għal deċiżjoni, COM(2015) 603 final:

Il-Bord tal-Gvernaturi: preżentazzjoni tal-perspettivi taż-żona tal-euro; irrappreżentat mill-President tal-Grupp tal-Euro;

Il-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali (IMFC): il-President tal-Grupp tal-Euro jirrappreżenta liż-żona tal-euro;

Il-Bord Eżekuttiv tal-FMI: rappreżentanza diretta taż-żona tal-euro mid-Direttur Eżekuttiv ta’ kostitwenza fiż-żona tal-euro, wara l-istabbiliment ta’ kostitwenza waħda jew diversi kostitwenzi magħmula biss minn Stati Membri fiż-żona tal-euro (elezzjoni tad-Direttur Eżekuttiv fuq proposta tal-President tal-Grupp tal-Euro; koordinazzjoni sħiħa tad-dikjarazzjonijiet bil-fomm u bil-miktub).

2.8.

Fil-każ tal-espansjoni taż-żona tal-euro, il-bidliet neċessarji ser isiru b’koordinazzjoni mal-Istati mhux membri taż-żona tal-euro u ser jittieħdu miżuri sabiex ir-rappreżentanza unifikata tiġi adattata kif xieraq.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-ewwel dokument li qed jiġi diskuss jiffoka primarjament fuq materji proċedurali u organizzazzjonali, bit-tieni wieħed jifformula s-sustanza tiegħu f’abbozz ta’ liġi. It-tnejn li huma jikkostitwixxu kontribut integrali għall-ħolqien tal-pilastru politiku taż-żona tal-euro u għall-iżgurar ta’ bilanċ bejn l-istrumenti interni u esterni taż-żona. Il-fatt li r-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro jkollha vuċi waħdanija ser isaħħaħ il-koordinazzjoni u l-koeżjoni tagħha u ser jgħin biex titrawwem il-konverġenza ta’ sensiela sħiħa ta’ politiki ekonomiċi bejn kull wieħed mid-diversi membri tagħha. Biex din il-viżjoni titwettaq u ssir realtà, huwa meħtieġ li tittieħed aktar responsabbiltà fil-forma ta’ integrazzjoni aktar mill-qrib u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet.

3.2.

Matul il-perjodu bejn l-2009 u l-2014 saret l-adozzjoni ta’ għadd mingħajr preċedent ta’ miżuri bil-għan tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-UE. (Dawn jinkludu l-introduzzjoni tal-proċess ċikliku tas-Semestru Ewropew, bidliet fir-regoli tal-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir, l-adozzjoni tas-“six-pack” u tat-“two-pack”, it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (il-Patt Fiskali), il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali). Dawn il-miżuri fil-biċċa l-kbira tagħhom kellhom l-għan li jneħħu l-lakuni fl-elementi li jikkostitwixxu ż-żona tal-euro jew li jadottaw azzjonijiet ta’ salvataġġ fuq medda qasira ta’ żmien bi tweġiba għall-ħtiġijiet urġenti ta’ politika ekonomika u baġitarja. Il-pakkett ta’ miżuri ppubblikat fil-21 ta’ Ottubru 2015, li jibni fuq ir-rapport tal-ħames presidenti, jikkostitwixxi, wara tul konsiderevoli ta’ żmien, kunċett ambizzjuż, li jħares lejn il-ġejjieni u għandu l-għan li jiżviluppa u jtejjeb l-ambjent istituzzjonali u s-sett ta’ strumenti taż-żona tal-euro, kif ukoll l-istruttura tagħha, li t-twettiq tal-miżuri msemmijin għandu jwassal biex jittejbu u jiġu integrati b’mod aktar sħiħ.

3.3.

Il-miżuri meħuda matul il-perjodu 2009-2014 primarjament iffokaw fuq it-tisħiħ tal-ħidmiet interni taż-żona tal-euro. Dan wassal għal arranġamenti għar-rappreżentanza esterna korrispondenti li naqset milli żżomm il-pass mal-importanza miżjuda tagħha u mal-bidla li qiegħda ssir fl-armonizzazzjoni tal-politiki ekonomiċi. Il-pożizzjoni taż-żona tal-euro fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u, fl-aħħar mill-aħħar, fis-swieq finanzjarji internazzjonali, jew iddgħajfet f’termini relattivi jew inkella naqset milli tilħaq il-potenzjal tagħha. Jirriżulta li l-prestazzjoni esterna mtejba taż-żona tal-euro għandha tinħass fid-dinja ta’ barra u għandha tkun aktar koerenti u unifikata fis-sistema finanzjarja globali.

3.4.

Ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest politiku usa’ li kien il-motivazzjoni għar-Rapport tal-Ħames Presidenti. Wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni li:

(a)

l-istruttura eżistenti tal-UEM hija inadegwata sabiex tiggarantixxi l-issodisfar tal-kontribuzzjonijiet mistennija miż-żona tal-euro;

(b)

il-miżuri mmirati għall-affarijiet interni taż-żona tal-euro ma jistgħux ikunu effettivi fir-rigward tar-rwol li għandha l-euro fl-ekonomija globali mingħajr rappreżentanza esterna korrispondenti.

3.5.

Wieħed jista’ jargumenta li jekk ma tiġix stabbilita rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro, dan jista’ jwassal biex il-potenzjal ta’ din iż-żona għat-tfassil tal-politika ekonomika u monetarja dinjija ma jiġix sfruttat u biex l-attrazzjoni tal-euro għat-tranżazzjonijiet, għall-investiment u għall-valuta ta’ riżerva fil-kuntest globali tkun ristretta.

3.6.

Il-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq il-FMI ġejja mill-kumplementarjetà qawwija bejn il-politiki ekonomiċi tal-UE u tal-FMI u l-istrumenti tagħhom, issa li dawn ġew sostanzjalment imsaħħa u kkoordinati fl-UE u speċjalment fiż-żona tal-euro (2). Il-FMI huwa l-istituzzjoni ewlenija fil-governanza ekonomika globali u kellu wkoll rwol importanti, b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Bank Ċentrali Ewropew, fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ salvataġġ għall-Istati Membri milquta mill-kriżi ekonomika u mill-kriżi tad-dejn sovran. Ir-rwol tal-FMI mistenni li jkompli jikber u l-ħtieġa għal kollaborazzjoni bejnu u ż-żona tal-euro issa ser tiġi kkunsidrata minn angolu ferm usa’ u aktar komprensiv mill-perspettiva iżolata ta’ Stati Membri individwali. Fl-istess waqt, madankollu, il-KESE jsostni li kieku ż-żona tal-euro kellha mill-bidu nett fond monetarju Ewropew tagħha stess, kif kienu jipprevedu l-proposti oriġinali li saru qabel il-ħolqien tas-sistema monetarja Ewropea fi tmiem is-snin sebgħin, waqt il-kriżi dan kien ikun jista’ jkollu preċiżament ir-rwol li fl-aħħar mill-aħħar qeda l-FMI.

3.7.

Rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro aktar b’saħħitha u aktar effettiva hija mxekkla minn sensiela ta’ ostakli li ġew identifikati u evalwati b’mod korrett:

frammentazzjoni fost l-Istati Membri (id-19-il Stat Membru fiż-żona tal-euro fuq il-Bord Eżekuttiv tal-FMI huma mifruxa fuq sitt kostitwenzi, b’żewġ pajjiżi għandhom is-siġġijiet tagħhom, arranġament li ta’ spiss ifixkel lill-pajjiżi fiż-żona tal-euro milli jesprimu pożizzjoni komuni);

rappreżentanza inadegwata taż-żona tal-euro kollha kemm hi (ebda rappreżentant waħdieni taż-żona tal-euro b’mandat uffiċjali fuq il-Bord Eżekuttiv tal-FMI – dan ir-rwol bħalissa qed jitwettaq mill-president tal-EURIMF); il-FMI lanqas ma għandu msieħeb ideali għal materji li huma komuni għaż-żona tal-euro (meta wieħed iżomm f’moħħu l-miżuri meħuda riċentament għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi); il-Bank Ċentrali Ewropew għandu status ta’ osservatur fuq il-Bord Eżekuttiv tal-FMI;

koordinazzjoni inadegwata fiż-żona tal-euro (in-nuqqas ta’ implimentazzjoni b’mod sħiħ tal-ftehim tal-Kunsill Ewropew minn Vjenna lura fl-1998); il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE permezz tas-Sottokumitat dwar l-FMI u Kwistjonijiet Relatati (SCIMF) tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fir-realtà tikkonċerna lil kull Stat Membru li jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu.

3.8.

Parzjalment fid-dawl ta’ dan kollu, miż-żewġ dokumenti li qed jiġu diskussi jistgħu jinsiltu xi punti fundamentali: l-implimentazzjoni taż-żewġ dokumenti titlob livell għoli ta’ koordinazzjoni f’għadd ta’ aspetti, bejn l-istrumenti interni u dawk esterni li għandha ż-żona tal-euro għat-titjib tal-istruttura tagħha u ta’ kif taħdem, għall-armonizzazzjoni tal-politiki ekonomiċi, u għall-koeżjoni u l-konverġenza; bejn l-Istati li huma membri taż-żona tal-euro u dawk l-Istati Membri li mhumiex (inkluża proċedura mħejjija fil-każ tal-espansjoni taż-żona tal-euro); bejn l-għamliet differenti ta’ rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro (kwistjonijiet monetarji, il-politika strutturali, is-settur bankarju u s-suq finanzjarju, u l-politika ekonomika). Il-prinċipji li jirfdu l-koordinazzjoni huma msejsa fuq l-idea tal-euro bħala l-unità monetarja tal-UE.

3.9.

Punt ġenerali ieħor huwa l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn l-ideat proċedurali, amministrattivi u leġiżlattivi fid-dokumenti u l-argumenti ekonomiċi korrispondenti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

F’konformità mal-osservazzjonijiet ġenerali ta’ hawn fuq, ikun xieraq li titfassal tabella skematika sempliċi li turi r-rabta bejn il-governanza ekonomika ġdida tal-UE u l-politiki tal-FMI kif ukoll, skont il-każ, ta’ istituzzjonijiet oħrajn. Din għandha tkun simili għal, pereżempju, l-iskeda ta’ żmien u l-programm tal-implimentazzjoni u tat-twettiq tas-Semestru Ewropew u tgħin biex id-diskussjoni dwar din il-kwistjoni tkun aktar trasparenti u aċċessibbli.

4.2.

Jista’ jiġi rrakkomandat ukoll li jitfassal xenarju għall-koordinazzjoni interna tal-ħidma tal-istituzzjonijiet u l-korpi kkonċernati tal-UE, bil-ħsieb li jinkisbu sinerġiji effettivi bejniethom, f’termini tal-flessibbiltà tar-regoli u tal-proċeduri, partikolarment fil-fażi ta’ tħejjija u l-fażijiet tranżizzjonali tat-twettiq ta’ dan il-proġett u meta ż-żona tal-euro tikber. Sabiex tiġi żgurata l-akbar trasparenza u responsabbiltà demokratika, kif jintalab fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol f’dawn il-kwistjonijiet b’mod konsistenti mal-metodu komunitarju tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

4.3.

Il-proposta għall-estensjoni tar-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro hija parti minn pakkett li jirriformula s-Semestru Ewropew u jintroduċi l-Kunsilli Nazzjonali tal-Kompetittività u Bord Fiskali Ewropew. Dawn il-passi, b’mod partikolari, jirrikjedu li l-UE u ż-żona tal-euro jkunu rrappreżentati f’fora rilevanti oħrajn. F’dan ir-rigward, jidher li hu utli li jissaħħu s-sinerġiji mal-OECD, il-G7, il-G20, il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI) u l-Bank Dinji. Dawn il-passi huma relatati ma’ kwistjonijiet marbutin mal-ħolqien tal-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapiali, jiġifieri t-twettiq u l-koordinazzjoni ta’ politiki makroekonomiċi, tar-riforma tar-regolamentazzjoni finanzjarja u tat-trasparenza fiskali (fejn l-UE u ż-żona tal-euro huma rrappreżentati mill-presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, u tal-Grupp tal-Euro, il-persunal tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u l-Ministri tal-pajjiżi membri fil-G7 u l-G20). Jista’ jkun hemm ukoll opportunitajiet oħrajn, bħall-Bank Asjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura (AIIB), fejn ħafna mill-Istati Membri tal-UE huma rrappreżentati.

4.4.

Il-kwistjonijiet li tqajmu hawn fuq jissuġġerixxu li l-ħtieġa li r-rappreżentanza taż-żona tal-euro ssir aktar effettiva hija l-ewwel pass u pass essenzjali sabiex jissaħħu l-influwenza, l-importanza u l-pożizzjoni tal-unità monetarja tal-UE fl-ekonomija dinjija; dan il-pass għandu jittieħed fil-kuntest tal-proġett tal-ikkompletar tal-UEM, u s-suċċess tiegħu ser jiddependi ħafna mill-prestazzjoni ekonomika reali taż-żona tal-euro u mill-kwalità tat-twettiq tal-politiki ekonomiċi kollha marbutin miegħu.

Brussell, is-17 ta’ Marzu 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE fuq inizjattiva proprja dwar L-Ikkompletar tal-UEM: Il-pilastru politiku (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8).

(2)  Opinjoni tal-KESE fuq inizjattiva proprja dwar L-implikazzjonijiet tal-kriżi tad-dejn sovran għall-governanza tal-UE (ĠU C 51, 17.2.2011, p. 15).


18.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/21


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti”

(COM(2015) 586 final – 2015/0270 (COD))

(2016/C 177/04)

Relatur:

is-Sur Daniel MAREELS

Nhar it-18 ta’ Jannar 2016 u nhar l-20 ta’ Jannar 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti

(COM(2015) 586 final – 2015/0270 (COD)).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Marzu 2016.

Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-17 ta’ Marzu 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’197 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Flimkien u b’mod parallel mal-proposti tagħha għal Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (minn hawn ’il quddiem “EDIS”), il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni “Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja”  (1). Jirriżulta li ż-żewġ testi għandhom jitqiesu b’mod “parallel” u li l-introduzzjoni ta’ aktar kondiviżjoni tar-riskju (ara l-proposta EDIS) għandha tiġi akkumpanjata minn aktar tnaqqis tar-riskju fl-Unjoni Bankarja (ara l-Komunikazzjoni). Għalhekk huwa evidenti li ż-żewġ dokumenti huma ż-żewġ uċuh tal-istess munita, u għaldaqstant, il-Kumitat iqis ukoll li għandu jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar din il-Komunikazzjoni. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kemm il-proposta leġislattiva kif ukoll il-Komunikazzjoni.

1.2.

Fil-qosor u bi prinċipju , il-Kumitat iħoss li, peress li l-EDIS u l-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju mħabbra għandhom għadd ta’ għanijiet ewlenin u importanti komuni relatati mat-tisħiħ u t-tlestija tal-Unjoni Bankarja, iż-żewġ tipi ta’ miżuri għandhom jinkisbu bl-istess mod, bl-użu ta’ strumenti u metodi ekwivalenti. Dawn il-metodi, li għandhom jagħtu l-istess garanziji biex jinkisbu l-għanijiet rispettivi, huma aktar rilevanti peress li ż-żewġ tipi ta’ miżuri huma komplementari u neċessarji biex jipprovdu soluzzjoni bilanċjata u aċċettabbli minn kulħadd, li tkun ukoll konklużiva. Konsegwentement, u sabiex jinkiseb progress reali, il-Kumitat iqis essenzjali li jiġi żgurat li kemm l-EDIS kif ukoll il-miżuri rilevanti għat-tnaqqis tar-riskju jiġu indirizzati b’mod parallel u immedjatament, u jiġu implimentati skont skeda ta’ żmien ċara u konkreta. Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet it-tajba biex nimxu ‘l quddiem huwa wkoll essenzjali biex tkompli titlesta l-UEM, li tagħha hija element importanti l-Unjoni Bankarja.

1.3.

Min-naħa tagħha, l-EDIS hija importanti ħafna fl-Unjoni Bankarja, li minnha tifforma t-tielet pilastru. Fil-passat il-Kumitat kien favur ħafna li titlesta l-Unjoni Bankarja u l-iskema ta’ assigurazzjoni tad-depożiti u ħeġġeġ li dan isir malajr. Dan huwa bil-għan li tissaħħaħ l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja fl-UE.

1.4.

Depożiti stabbli, sikuri u protetti sew huma fl-interess ta’ kulħadd, u l-ewwel u qabel kollox fl-interess ta’ min ifaddal u d-depożitanti. It-tisħiħ tal-fiduċja tagħhom u l-iżgurar tal-aħjar protezzjoni possibbli jibqgħu importanti għall-KESE. Issa huwa importanti li tiżdied il-fiduċja ta’ dawk li jfaddlu u tad-depożitanti fil-banek u jingħataw il-possibilità li jaħsdu l-benefiċċji ta’ integrazzjoni finanzjarja u kundizzjonijiet indaqs bejn il-banek. Barra minn hekk, depożiti stabbli jibqgħu neċessarji għall-finanzjament tal-ekonomija, u tal-familji u tal-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs.

1.5.

Għall-KESE huwa essenzjali li l-EDIS tintuża biex tkompli tissaħħaħ l-Unjoni bankarja, biex tiżdied ir-reżiljenza tagħha kontra kriżijiet finanzjarji potenzjali, u tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja. Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti ser ikollha impatt pożittiv fuq is-sitwazzjoni tal-Istati Membri u banek individwali billi jkunu kapaċi aktar jindirizzaw il-kriżijiet lokali. Dan jista’ jiskoraġġixi ċerti nies milli jispekulaw kontra ċerti pajjiżi jew banek, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ assalti bankarji (bank run). Fl-istess ħin tkompli tiddgħajjef ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani nazzjonali tagħhom.

1.6.

Għall-banek, il-miżuri mħabbra sabiex jitnaqqas ir-riskju fl-Unjoni Bankarja huma essenzjali. Dawn jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-Unjoni Bankarja, peress li dawn jipprovdu kundizzjonijiet aktar indaqs bejn il-banek u jdgħajfu r-rabtiet tagħhom mas-sovrani nazzjonali tagħhom. Dan itejjeb ir-reżiljenza u l-istabbiltà tas-sistema. L-aċċettazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tar-riskju teħtieġ l-implimentazzjoni reali tal-kundizzjonijiet ekwi f’termini ta’ regoli u superviżjoni u li min-naħa tagħhom ser jikkontribwixxu għall-fiduċja reċiproka meħtieġa bejn il-partijiet kollha kkonċernati fl-Unjoni Bankarja.

1.7.

Dawn il-miżuri jeħtieġu li l-qafas leġislattiv eżistenti tal-Unjoni Bankarja (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek u d-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti) jiġi traspost u implimentat bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha. Huwa pożittiv li wieħed jara li l-għadd ta’ Stati Membri li għadhom iridu jagħmlu sforzi kontinwi naqas minn mindu ġew ippubblikati l-proposti tal-EDIS u l-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni fil-konfront tal-pajjiżi l-oħra.

1.8.

Għandha tingħata attenzjoni sabiex ikompli jitnaqqas ir-riskju fis-settur bankarju u sabiex tinkiseb armonizzazzjoni massima fl-Unjoni Bankarja fl-oqsma li fihom diġà ttieħdet azzjoni. Huwa wkoll meqjus neċessarju l-istabbiliment minn qabel ta’ skemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti kapitalizzati sew, stabbli u effettivi. Għandhom isiru sforzi b’saħħithom sabiex jiġu evitati riskji potenzjali ta’ periklu morali fir-rigward kemm tal-banek, tal-gvernijiet kif ukoll ta’ dawk li jfaddlu meta jiġi żviluppat dan il-pilastru tal-Unjoni Bankarja. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet reali ta’ periklu morali jistgħu jheddu t-tħaddim effiċjenti u sigur tal-Unjoni Bankarja. Il-klawżoli li jistipulaw li Stat Membru jista’ juża l-EDIS biss jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha huma adegwati f’dan ir-rigward.

1.9.

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha twettaq studju tal-impatt profond u komprensiv, possibbilment abbażi ta’ studji preċedenti simili fil-kuntest tad-Direttivi dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti, fid-dawl tal-importanza tal-kwistjoni għall-Unjoni Bankarja, it-tlestija tal-UEM u l-fiduċja ta’ dawk li jfaddlu u tad-depożitanti. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju għandhom jiġu ppubblikati, anke sabiex tkompli tissaħħaħ il-leġittimità tal-proposta.

1.10.

Barra minn hekk, għad hemm differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi u għad hemm numru ta’ sfidi f’oqsma differenti, kif jirriżulta minn numru ta’ rapporti internazzjonali reċenti. Dawn id-differenzi u l-isfidi għandhom jiġu indirizzati. Mingħajr ma l-lista hija eżawrjenti, dawn jinkludu l-volum konsiderevoli ta’ “self improduttiv” fis-settur bankarju u d-distribuzzjoni inugwali ta’ dan il-volum fuq il-banek u l-Istati Membri taż-żona tal-euro.

1.11.

Fil-proċess biex ikompli jitnaqqas ir-riskju, il-Kumitat iqis li għandha tingħata biżżejjed attenzjoni għall-impatt ta’ dan fuq l-għoti tas-self. B’mod partikolari s-self lill-SMEs, lill-industriji żgħar u ta’ daqs medju, lill-istart ups u lill-kumpaniji żgħar oħra għandu jibqa’ prijorità prinċipali għall-UE u l-Istati Membri.

1.12.

Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li l-progress fit-tlestija ulterjuri tal-UEM huwa daqstant importanti. Fost affarijiet oħra dan huwa bbażat fuq pilastru monetarju u finanzjarju, li jinkludi l-implimentazzjoni ta’ Unjoni Bankarja sħiħa mmexxija mill-UE. Il-Kumitat diġà ddikjara li l-UEM għadha fraġli u qed tiffaċċja sfidi kbar, u teħtieġ li tissaħħaħ aktar billi jitkomplew jiġu żviluppati l-pilastri tagħha kollha.

1.13.

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali f’dan ir-rigward li jinħolqu kundizzjonijiet adegwati u xierqa li jippermettu li jsir progress. Għall-Kumitat kollox jiddependi mill-“fiduċja” u li din tissaħħaħ bejn l-Istati Membri. Il-fiduċja bejn l-Istati Membri teħtieġ ukoll kundizzjonijiet indaqs u approċċi kkoordinati adattati għal konverġenza.

1.14.

Din il-konverġenza ġiet affettwata b’mod negattiv mill-kriżi u huwa importanti fuq il-perjodu qasir li jsir aktar progress fl-Istati Membri u bejniethom. Barra minn hekk, l-irkupru jrid ikun appoġġjat, il-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi ffaċilitata u l-adattabilità mtejba.

1.15.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-iskema l-ġdida ta’ assigurazzjoni ta’ depożitu għandha tkun newtrali mil-lat ta’ spejjeż għas-settur bankarju, iżda fl-istess ħin huwa tal-fehma li jkun preferibbli li l-pjan propost ta’ kontribuzzjoni bbażata fuq ir-riskju jiġi inkorporat direttament fil-proposta tal-EDIS minflok din il-kwistjoni tiġi indirizzata f’atti delegati. Fuq kollox dan huwa element essenzjali tal-iskema proposta, li bi prinċipju għandha tiġi stabbilita fl-ogħla livell.

2.   Sfond

2.1.

Meta nħolqot l-Unjoni Bankarja, ġie deċiż li l-pilastri jiġu introdotti gradwalment.

2.2.

L-ewwel żewġ passi ttieħdu bl-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) li permezz tiegħu l-BĊE jeżerċita superviżjoni (2) fuq il-banek (3) fiż-żona tal-euro, u l-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (MUR), mill-1 ta’ Jannar 2016.

2.3.

Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti  (4) qiegħda tiġi proposta bħala t-tielet pilastru tal-Unjoni Bankarja. Din is-sistema tibni fuq id-Direttiva eżistenti dwar l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti (5), li introduċiet skemi nazzjonali ta’ garanziji tad-depożiti u pprovdiet għar-rikonoxximent ta’ skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali bħala skemi ta’ garanziji tad-depożiti. Ir-rapport tal-ħames Presidenti dwar It-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (6) wkoll ippropona t-tnedija tal-EDIS wara li jgħaddi ż-żmien.

2.4.

Il-proposta l-ġdida (7) ser tiġi żviluppata gradwalment (8):

2.4.1.

Fl-ewwel stadju ser ikun hemm skema ta’ riassigurazzjoni għal perjodu ta’ tliet snin sal-2020. F’dan l-istadju, skema ta’ garanzija tad-depożiti nazzjonali ser ikollha aċċess għr-riżorsi tal-EDIS biss wara li tkun eżawrixxiet ir-riżorsi tagħha stess u bil-kundizzjoni li r-regoli rilevanti tad-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija għad-Depożiti jkun ġew applikati b’mod sħiħ mill-Istat Membru kkonċernat. L-għan għalhekk huwa li tiddgħajjef ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani nazzjonali tagħhom.

2.4.2.

Sussegwentement, is-sistema għandha tersaq progressivament lejn sistema ta’ mutwalizzazzjoni (“koassigurazzjoni”). F’dan l-istadju, sistema nazzjonali ma jkollhiex għalfejn tuża r-riżorsi tagħha stess qabel ma jkollha aċċess għar-riżorsi tal-EDIS, f’każ li jkun hemm bżonn ta’ intervenzjoni. L-aċċess għal dawn ir-riżorsi għandu jibda f’livell baxx (20 %) u jiżdied fuq perjodu ta’ erba’ snin għal 80 %. Għalhekk dan jinvolvi grad ogħla ta’ kondiviżjoni tar-riskju bejn is-sistemi nazzjonali.

2.4.3.

Fit-tielet stadju, ir-riskju mġarrab mill-EDIS għandu jiżdied gradwalment għal 100 %. Għalhekk, is-sistema l-ġdida ser tissostitwixxi kompletament l-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti mill-2024 ‘il quddiem u għandha tkun l-unika responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens lid-depożituri.

2.5.

F’dan il-kuntest, il-proposta tipprovdi wkoll għall-ħolqien ta’ Fond Ewropew tal-Assigurazzjoni tad-Depożiti. Il-Fond għandu jkun iffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjonijiet imwieżna għar-riskji mill-banek. Is-sistema hija maħsuba biex tkun newtrali mil-lat ta’ spejjeż għas-settur bankarju sal-punt li l-kontribuzzjonijiet Ewropej għandhom jitnaqqsu mill-kontribuzzjonijiet lejn l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti nazzjonali.

2.6.

Is-sistema għandu jkollha salvagwardji stretti: pereżempju, jiġu assigurati biss l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti nazzjonali li jikkonformaw mar-regoli tal-UE u li huma strutturati skont dawn ir-regoli.

2.7.

B’mod parallel, il-Kummissjoni ħabbret ukoll għadd ta’ miżuri oħra bil-għan li jitnaqqas ir-riskju fl-Unjoni Bankarja (9)  (10) fil-Komunikazzjoni “Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja”.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni (11) dwar aktar tnaqqis tar-riskju fl-Unjoni Bankarja flimkien mal-proposti dwar l-EDIS. Skont il-Kummissjoni, dawn iż-żewġ pubblikazzjonijiet għandhom jitqiesu b’mod parallel. L-introduzzjoni ta’ aktar kondiviżjoni tar-riskju (ara l-proposta tal-EDIS) għandha tkun “akkumpanjata” minn aktar tnaqqis tar-riskju. Għaldaqstant, il-Kumitat jara dawn iż-żewġ testi bħala żewġ naħat tal-istess munita. Dawn l-osservazzjonijiet u kummenti dwar it-testi l-ġodda għandhom jitqiesu f’dan id-dawl.

3.2.

Il-KESE minn dejjem kien favur Unjoni Bankarja u l-passi li ttieħdu f’rabta mal-ewwel żewġ pilastri (12). Għall-Kumitat, kien importanti li din il-ħidma ssir mingħajr dewmien (13).

3.3.

Bl-istess mod, il-Kumitat minn dejjem appoġġja t-tlestija ulterjuri tal-Unjoni Bankarja (14) u l-addizzjoni rapida tat-tielet pilastru relatat mal-protezzjoni tad-depożiti. F’dan il-kuntest, il-Kumitat diġà ħeġġeġ it-tisħiħ u t-titjib tas-sistema komunitarja tal-protezzjoni tad-depożiti (15).

3.4.

Il-Kumitat jilqa’ l-proposta tal-EDIS u japprova l-għanijiet biex tissaħħaħ l-Unjoni Bankarja, tittejjeb u tiġi armonizzata l-protezzjoni tad-depożituri, tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja u titnaqqas aktar ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani nazzjonali tagħhom.

3.5.

Permezz tal-prinċipju tal-kondiviżjoni tar-riskju, skema bħal din jista’ jkollha impatt pożittiv fuq is-sitwazzjoni ta’ xi Stati Membri u l-banek, peress li hija iktar kapaċi mis-sistemi nazzjonali attwali li tgħin – fejn meħtieġ – biex tassorbi l-kriżijiet lokali. Dan jista’ jiskoraġġixxi ċertu nies milli jispekulaw kontra ċerti pajjiżi jew banek u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ġenerali fl-Unjoni Bankarja kollha.

3.6.

Livell għoli ta’ protezzjoni u salvagwardji massimi għad-depożiti ta’ dawk li jfaddlu huma indispensabbli. Minn mindu bdiet il-kriżi sar progress importanti u l-għan ta’ dawn il-proposti l-ġodda jista’ jgħin biex tkompli tiżdied il-fiduċja, peress li dawn jistgħu jikkontribwixxu għal integrazzjoni finanzjarja akbar bejn il-pajjiżi u kundizzjonijiet indaqs bejn il-banek tal-UE.

3.7.

Depożiti stabbli huma sors b’saħħtu u neċessarju ta’ finanzjament għall-ekonomija, l-unitajiet domestiċi u fuq kollox intrapriżi żgħar u li għadhom jibdew (bħall-SMEs, l-SMIs (16) u start-ups) u b’hekk ikun hemm kontribut għat-tkabbir ekonomiku meħtieġ. L-SMEs (f’sens wiesa’) jagħtu kontribut vitali għall-ekonomija Ewropea, u huma responsabbli għal aktar minn żewġ terzi tal-impjiegi totali tal-privat u 85 % taż-żieda netta fl-impjiegi. Għall-KESE huwa ċar li l-iżgurar ta’ self lill-SMEs vijabbli huwa essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi ġodda u għalhekk dan għandu jkun prijorità ewlenija fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali.

3.8.

Fir-rigward ta’ aktar tnaqqis tar-riskji, għandu jiġi applikat l-istess approċċ bħal dak li ntuża għall-EDIS, u għalhekk il-Kumitat jilqa’ d-dokument tal-Kummissjoni. Dan huwa ċertament il-każ, għax iż-żewġ testi għandhom għadd ta’ għanijiet fundamentali komuni, bħat-tisħiħ tal-Unjoni Bankarja u li tiddgħajjef ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani nazzjonali u l-ksib tal-objettivi jeħtieġ b’mod ċar “kombinazzjoni ta’ miżuri”.

3.9.

Mill-perspettiva tat-tnaqqis tar-riskju, is-sitwazzjoni eżistenti ma tistax tiġi injorata. Għandha tingħata attenzjoni prijoritarja sabiex ikompli jitnaqqas ir-riskju fis-settur bankarju u sabiex tinkiseb armonizzazzjoni akbar fl-Unjoni Bankarja fl-oqsma li fihom diġà ttieħdet azzjoni.

3.10.

L-ewwel nett, l-Istati Membri kollha għandhom jittrasponu u jimplimentaw bis-sħiħ il-qafas eżistenti dwar l-Unjoni Bankarja. Minkejja li meta ġiet ippubblikata l-proposta tal-EDIS, għadd sinifikati ta’ Stati Membri kienu għadhom ma ttrasponewx id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek u/jew id-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti, jew għamlu dan biss parzjalment, is-sitwazzjoni minn dak iż-żmien tjiebet. Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni fil-konfront tal-pajjiżi l-oħra (17).

3.11.

It-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti u l-iskema ta’ finanzjament ex-ante relatata għandhom ċerti sfidi. Aktar armonizzazzjoni u l-istabbiliment minn qabel ta’ skemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti kapitalizzati sew, stabbli u effettivi huma wkoll meqjusa neċessarji sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ “periklu morali”. Fil-passi kollha tal-implimentazzjoni tal-EDIS għandha tingħata attenzjoni li r-riskju ma jinxteridx. F’dan il-kuntest għandu jkun hemm sorveljanza kontra l-perikli potenzjali ta’ mutwalizzazzjoni rapida wisq u stretta tar-riskji. Il-klawżoli li jistipulaw li l-Istati Membri jistgħu jużaw l-EDIS biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha u jkunu implimentaw il-leġislazzjoni huma adegwati f’dan ir-rigward.

3.12.

Barra minn hekk, għad hemm differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi u għad hemm numru ta’ sfidi f’oqsma differenti, kif jirriżulta minn numru ta’ rapporti internazzjonali reċenti (18)  (19). Dawn jeħtieġ li jiġu indirizzati. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu l-volum konsiderevoli ta’ “self improduttiv” fis-settur bankarju u d-distribuzzjoni inugwali ta’ dan is-self fost il-banek u l-Istati Membri taż-żona tal-euro (20). Rimedju effettiv għal din is-sitwazzjoni, waqt li jitqiesu l-elementi rilevanti kollha l-oħra, jista’ jitqies bħala prerekwiżit sabiex isir progress fid-direzzjoni tal-kondiviżjoni tar-riskju f’rabta mal-protezzjoni tad-depożiti. Fost affarijiet oħra, dan jeħtieġ mekkaniżmu superviżorju omoġenju mmexxi mill-UE.

3.13.

M’hemmx riżultati disponibbli tal-valutazzjoni tal-impatt fil-profond preċedenti tal-EDIS. Dan imur kontra r-rekwiżiti ta’ trasparenza. Hija ċertament meħtieġa valutazzjoni tal-impatt profonda u komprensiva, possibbilment abbażi ta’ valutazzjonijiet preċedenti simili fil-kuntest tad-Direttivi dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti (21), fid-dawl tal-importanza tal-kwistjoni għall-Unjoni Bankarja, it-tlestija tal-UEM u l-fiduċja ta’ dawk li jfaddlu u tad-depożitanti. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju għandhom jiġu ppubblikati, anke sabiex tkompli tissaħħaħ il-leġittimità tal-proposta.

3.14.

Il-miżuri addizzjonali futuri mħabbra dwar it-tnaqqis tar-riskju għandhom jiġu ppreżentati bl-istess mod bħall-EDIS, peress li t-tnejn jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-Unjoni Bankarja, u ser jeħtieġu azzjoni biex jiġu implimentati fid-dettall hekk kif jintlaħqu l-kondizzjonijiet meħtieġa.

3.15.

Fid-dawl ta’ dan kollu, huwa ċar li ż-żewġ tipi ta’ miżuri għandhom jinkisbu b’mod simili. Iż-żewġ tipi ta’ miżuri huma komplementari u neċessarji biex jipprovdu soluzzjoni bilanċjata, li tkun ukoll konklużiva. Għalhekk huwa essenzjali li kemm l-EDIS kif ukoll il-miżuri rilevanti għat-tnaqqis tar-riskju (22) jiġu indirizzati immedjatament u jiġu implimentati b’mod parallel. Dan mhux biss ser jiżgura l-ikbar kontribuzzjoni possibbli sabiex tinkiseb l-Unjoni Bankarja u t-tlestija ulterjuri tal-UEM (ara hawn taħt) iżda ser jipprovdi wkoll l-aħjar garanzija possibbli li jsir progress reali.

3.16.

Għall-Kumitat, din il-kwistjoni hija daqstant importanti fil-qafas tat-tlestija ulterjuri tal-UEM. Din hija fost affarijiet oħra bbażata fuq pilastru monetarju u finanzjarju, inkluża Unjoni Bankarja kompluta. Il-Kumitat diġà ddikjara li l-UEM għadha fraġli u qed tiffaċċja sfidi kbar (23), u għalhekk l-Unjoni għandha tissaħħaħ aktar billi jiġu żviluppati l-pilastri tagħha kollha.

3.17.

Diġà ġie indikat li, minħabba r-rabtiet li għadhom jeżistu bejn is-sovrani u l-banek, l-Istati Membri għadhom isibuha bi tqila li joħolqu l-kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi neċessarji, bir-riżultat li qegħdin jiddewmu d-deċiżjonijiet l-aktar adattati u effettivi (24).

3.18.

Għalhekk huwa importanti li jkun possibbli li jsir il-progress u hawnhekk kollox jiddependi fuq il-“fiduċja” u t-tisħiħ tagħha bejn l-Istati Membri. Il-fiduċja bejn l-Istati Membri teħtieġ ukoll kundizzjonijiet indaqs u approċċi kkoordinati adattati għal konverġenza.

3.19.

Din il-konverġenza ġiet affettwata b’mod negattiv mill-kriżi u huwa importanti fuq il-perjodu qasir li jsir aktar progress fl-Istati Membri u bejniethom. Barra minn hekk, l-irkupru jrid ikun appoġġjat, il-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi ffaċilitata u l-adattabilità mtejba.

4.   Osservazzjonijiet u kummenti speċifiċi

4.1.

B’rabta mal-proposta EDIS, il-KESE japprova l-prinċipju li s-sistema għandha tkun newtrali mil-lat ta’ spejjeż għas-settur bankarju. Il-kontribuzzjoni tas-settur bankarju kienet stabbilita għal 0,8 % (25), (26) tad-depożiti koperti, wara valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt. Huwa għalhekk importanti li l-kontribuzzjoni totali għas-sistemi nazzjonali u Ewropej ma tiżdiedx, sabiex tiġi rrispettata n-newtralità mil-lat ta’ spejjeż.

4.2.

Barra minn hekk, huwa importanti li f’dan il-kuntest tiġi żgurata armonizzazzjoni massima tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali, u b’hekk jinħolqu kundizzjonijiet indaqs għall-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti, u jiġu evitati d-differenzi bejn dawn is-sistemi.

4.3.

Dan l-approċċ ta’ kundizzjonijiet indaqs għandu jiġi adottat mill-pajjiżi li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja u fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li mhumiex parti minnha. Dan jeħtieġ, b’mod partikolari, armonizzazzjoni ulterjuri tad-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti sabiex ikun hemm konverġenza akbar bejn is-sistemi fl-Istati Membri kollha.

4.4.

Skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju meta l-membri tagħhom isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli u b’hekk jgħinu biex jiġu evitati l-fallimenti tal-banek. L-azzjoni preventiva ta’ dawn is-sistemi jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta bis-sħiħ fir-Regolament il-ġdid dwar l-EDIS, peress li jekk dan ma jseħħx, dan jista’ jhedded il-kunċett kollu.

Brussell, is-17 ta’ Marzu 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2015) 587 final.

(2)  Minn Novembru 2014.

(3)  Għall-atturi ewlenin (bejn wieħed u ieħor 130), dan ser isir direttament mill-BĊE, għall-oħrajn (aktar minn 6 000 bank), primarjament mir-regolaturi nazzjonali.

(4)  Magħrufa wkoll bit-taqsira Ingliża “EDIS”, li tfisser European Deposit Insurance Scheme (Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti).

(5)  Din tipprovdi għall-garanzija tad-depożiti ta’ dawk li jfaddlu fl-UE sa EUR 100 000.

(6)  Ara r-rapport “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropea, ta’ Jean-Claude Juncker f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem, Mario Draghi u Martin Schulz”, ara, b’mod partikolari, p. 11.

(7)  Ara l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti – COM(2015) 586 final – 2015/0270 (COD), ippubblikata fl-24 ta’ Novembru 2015.

(8)  Il-qafas tal-EDIS għandu jsegwi l-istruttura klassika tal-Unjoni Bankarja: ġabra unika tar-regoli fil-forma tad-Direttiva attwali dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti applikabbli għat-28 Stat Membru kollha, issupplimentata mill-EDIS, li hija vinkolanti għall-Istati Membri kollha fiż-żona tal-euro u miftuħa għal Stati Membri oħra tal-UE li jixtiequ jingħaqdu mal-Unjoni Bankarja.

(9)  Dawn il-miżuri jinkludu:

It-tnaqqis tal-għażla nazzjonali u spazju għal manuvrar fl-applikazzjoni tar-regoli prudenzjali sabiex il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku jkun jista’ jaħdem bl-aktar mod effiċjenti possibbli;

L-armonizzazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti;

L-adozzjoni ta’ leġislazzjoni li timplimenta l-bqija tal-elementi, applikabbli għall-banek, tal-qafas regolatorju miftiehma fil-livell internazzjonali, inklużi t-trażżin tal-effett ta’ lieva tal-banek, l-iżgurar ta’ finanzjament bankarju stabbli u t-titjib tal-komparabbiltà tal-assijiet imwieżna għar-riskju kif ukoll il-possibbiltà sabiex sal-2019 jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja dwar il-Kapaċità ta’ Assorbiment ta’ Telf Totali tal-banek, sabiex ikun hemm biżżejjed fondi disponibbli għall-banek f’diffikultà, mingħajr ma jkun hemm rikors fuq il-kontribwenti;

L-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti b’tali mod li jintuża l-inqas finanzjament pubbliku possibbli sabiex jinżamm settur bankarju solventi u reżiljenti;

Konverġenza akbar fil-liġijiet ta’ insolvenza, kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali;

Inizjattivi fir-rigward tat-trattament prudenzjali tal-esponiment tal-banek għar-riskju sovran, bħat-tnaqqis tal-esponiment tas-sovrani għal gvern speċifiku sabiex jiġi żgurat li r-riskji huma diversifikati.

(10)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja, COM(2015) 587 final, 24.11.2015.

(11)  Ara l-punt 2.7 hawn fuq.

(12)  Ara l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni.

(13)  Ara fost l-oħrajn l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r- Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) fir-rigward tal-interazzjoni tiegħu mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru…/… li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (COM(2012) 512 final – 2012/0244 (COD) u dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Pjan Direzzjonali lejn Unjoni (ĠU C 11, 15.1.2013, p. 34), il-punt 1.12.

(14)  Ara fost l-oħrajn l-Opinjonijiet tal-KESE dwar L-ikkompletar tal-UEM – Il-proposti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġiżlatura Ewropea li jmiss (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10) u L-ikkompletar tal-UEM: il-pilastru politiku (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8).

(15)  Ara l-opinjonijiet imsemmija fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 13 u 14.

(16)  Industriji żgħar u ta’ daqs medju.

(17)  Dwar l-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti, ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni Ewropea tal-10 ta’ Diċembru 2015: “Commission requests 10 Member States to implement EU rules on Deposit Guarantee Schemes” (mhux disponibbli bil-Malti) (ara http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-6253_en.htm).

Dwar id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek, ara l-istqarrija għall-istampa tat-22 ta’ Ottubru 2015“Commission refers six Member States to the Court of Justice of the EU for failing to transpose EU rules on Bank Recovery and Resolution” (mhux disponibbli bil-Malti) (ara http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-5827_en.htm).

(18)  Ara EBA – 2015 EU-wide transparency exercise – aggregate report, https://www.eba.europa.eu/documents/10180/1280458/2015+EU-wide+Transparency+Exercise+Report+FINAL.pdf, (Novembru 2015) u l-Economic Bulletin tal-BĊE Ħarġa 2015/5 https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/ecbu/eb201505.en.pdf

(19)  Ara r-rapport tal-EBA, (sommarju eżekuttiv), p. 6 u 7, Il-kwalità tal-assi u l-profittabilità tjiebu wkoll, iżda jibqgħu – minkejja r-rata baxxa ta’ bażi – sors ta’ tħassib. Iċ-ċifri għall-esponimenti improduttivi, li ġew ippubblikati għall-ewwel darba skont id-definizzjoni armonizzata tal-EBA, jirrappreżentaw kważi 6 % tal-ammont totali ta’ self u avvanzi fl-UE (10 % jekk jitqiesu biss il-kumpaniji mhux finanzjarji), għalkemm b’differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi u l-banek. Il-profittabilità tjiebet fl-2015, iżda storikament tibqa’ baxxa, meta mqabbla mal-ispiża stmata tal-ekwità tal-banek. Minn Ġunju 2015, ir-redditu globali fuq il-kapital regolatorju tal-banek tal-UE huwa ta’ 9,1 %.

Id-data ppubblikata llum turi li għadha teżisti, għalkemm qed tonqos gradwalment, preferenza għal investimenti fi strumenti ta’ dejn nazzjonali, billi f’Ġunju 2015 il-banek irrapportaw żieda fid-dejn sovran mhux domestiku miżmum minnhom.

(20)  Ara r-rapport tal-BĊE dwar l-Istabilità Finanzjarja, Novembru 2015, https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/other/financialstabilityreview201511.en.pdf?24cc5509b94b997f161b841fa57d5eca, p. 74 et seq.

(21)  Skont dikjarazzjonijiet magħmula minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-proposti attwali jibnu fuq il-valutazzjoni tal-impatt li sar b’konnessjoni mal-emenda tad-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti. Ara http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:52010SC0834. (mhux disponibbli bil-Malti) Ara, b’mod partikolari, it-taqsimiet 7.8 u 7.11 tad-dokument.

(22)  Fir-rigward ta’ dawn il-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju, sfida ewlenija ser tkun li l-miżuri li huma l-aktar rilevanti minn din il-perspettiva jiġu implimentati bħala kwistjoni ta’ prijorità.

(23)  Ara l-opinjonijiet imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.

(24)  Ara l-ewwel Opinjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 4.1.2.

(25)  Fil-kuntest tad-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti.

(26)  Jew 0,5 % jekk jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet.


18.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/28


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bank Ċentrali Ewropew – Dwar passi lejn l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja”

(COM(2015) 600 final)

u

“Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1937 tal-21 ta’ Ottubru 2015 li tistabbilixxi Bord Fiskali Ewropew konsultattiv indipendenti”

(C(2015) 8000 final)

(2016/C 177/05)

Relatur:

is-Sur Carmelo CEDRONE

Nhar il-11 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Eworpew, lill-Kunsill u lill-Bank Ċentrali Ewropew – Dwar passi lejn l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

(COM(2015) 600 final)

u

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1937 tal-21 ta’ Ottubru 2015 li tistabbilixxi Bord Fiskali Ewropew konsultattiv indipendenti

(C(2015) 8000 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, li kienet inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Marzu 2016.

Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-17 ta’ Marzu 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’195 vot favur, 4 kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jemmen li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Passi lejn l-ikkompletar tal-UEM” tista’ tkun opportunità kbira biex jingħata bidu għal dibattitu kemm fil-livell politiku kif ukoll fil-livell tas-soċjetà ċivili biex issir “operazzjoni ta’ verità” dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw liż-żona tal-euro, waqt li nżommu f’moħħna dak li seħħ minn żmien Maastricht u minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika li affettwat, b’mod partikolari, liż-żona tal-euro, biex ikunu jistgħu jsiru proposti ta’ soluzzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kontenut attwali tal-Komunikazzjoni. Dawn li ġejjin huma l-punti ewlenin.

1.2.

Semestru: ikun aktar utli jekk tiġi fformulata proposta għas-semestru fil-qafas ta’ ftehim globali dwar il-governanza ekonomika, li jmur lil hinn minn dak li sar s’issa, ibda mill-emenda tal-makrokondizjonalità u t-tisħiħ tar-rwol tal-Konferenza interparlamentari, kif diġà ġie rrakkomandat mill-KESE.

1.3.

Gvern ekonomiku: governanza ekonomika u kumplessiva taż-żona tal-euro (makro, mikro, monetarja, eċċ.) trid tmur ferm lil hinn minn dak li pproponiet il-Kummissjoni. Jeħtieġ bidla radikali tal-paradgmi ekonomiċi attwali, b’mod partikolari, il-kumitati nazzjonali għall-kompetittività għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-politiki ta’ koeżjoni, il-konsegwenzi soċjali u l-impjiegi li jirriżultaw mill-iżbilanċi u d-differenzi bejn il-pajjiżi li komplew jikbru minħabba l-kriżi (1). Il-Kummissjoni Ewropea u l-Bordijiet għandhom iqisu wkoll il-fatturi u l-parametri ġodda li jirfdu u se jkomplu jsostnu l-kompetittività u l-kompetizzjoni bejn blokok ekonomiċi globali. Il-Kumitat konsultattiv għall-finanzi pubbliċi għandu jsegwi proċedura aktar trasparenti u demokratika kemm għall-ħatra tal-membri tiegħu kif ukoll għall-użu tal-indikazzjonijiet tiegħu, li huma f’riskju li jibqgħu barra kwalunkwe kontroll demokratiku.

1.4.

Rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro: il-proposta hija tajba u meħtieġa, iżda, minbarra t-tul ta’ żmien eċċessiv, hemm il-problema tal-kontroll demokratiku ta’ din il-funzjoni u tal-emendi regolatorji meħtieġa biex jiġi rikonoxxut ir-rwol tal-UEM fil-kwistjonijiet relatati maż-żona tal-euro (2).

1.5.

L-Unjoni finanzjarja: il-proposta hija pożittiva, għalkemm tilfet l-impetu politiku u taż-żmien. Hija l-aktar għażla importanti, sakemm issir malajr kemm jista’ jkun u, permezz tal-mekkaniżmi pprovduti – ta’ riżoluzzjoni unika u ta’ garanzija tad-depożiti (3) – u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (4), jiġu implimentati bis-sħiħ sistemi Ewropej ta’ regoli komuni malajr kemm jista’ jkun. F’dan ir-rigward tkun ta’ għajnuna kbira proposta tal-Kummissjoni, li diġà ġiet ifformulata mill-KESE dwar il-kwistjoni tad-dejn sovran u privat sabiex jitnaqqsu r-riskji u l-ispekulazzjoni fuq is-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro. Fil-fatt, il-KESE diġà abbozza proposta ta’ dan it-tip (5).

1.6.

Leġittimità demokratika: din hija l-punt l-aktar dgħajjef tal-Komunikazzjoni, tal-inqas sakemm jibqa’ kif inhu bħalissa, qabel ma jingħata bidu għal Fażi 2. Hija diskussa b’mod superfiċjali u approssimattiv ħafna meta fil-fatt hija l-bażi ta’ kollox u l-essenza tad-dibattitu u tat-tħassib tal-opinjoni pubblika Ewropea, b’mod speċjali f’dawn l-aħħar xhur: minn hawn jiddependi l-futur taż-żona tal-euro u tal-UE. Il-kwistjoni tal-kontroll demokratiku ma titqajjem serjament fl-ebda proposta operattiva mressqa mill-Kummissjoni, kif intqal qabel.

1.6.1.

Kontribut dwar din il-kwistjoni jista’ jiġi mid-Djalogu Soċjali tripartitiku, diment li jinbena b’mod strutturat u li l-partijiet ikunu obbligati jwettqu kwalunkwe ftehim li jintlaħaq.

1.7.

Fażi 2 – L-ikkompletar tal-UEM: fażi prijoritarja u essenzjali biex tingħata kredibbiltà lill-bqija tal-proposti. Sfortunatament din il-fażi hija bbażata l-aktar fuq il-preżentazzjoni ta’ White Paper fi tmiem l-2017. Li jitħalla kollox għal White Paper, permezz ta’ konsultazzjonijiet u “djalogi maċ-ċittadini”, mingħajr ma jiġi spjegat kif għandhom jitwettqu u mingħajr ma jiġi involut lanqas il-KESE, jidhrilna li huwa ftit wisq għas-suġġett l-aktar importanti u ċentrali tal-Komunikazzjoni, dak tad-demokrazija u tal-bini tal-pilastru politiku taż-żona tal-euro, filwaqt li “nistennew” il-Fażi 2.

1.8.

Il-KESE jsostni, barra minn hekk, li lanqas l-iskeda indikata mill-Kummissjoni mhija adegwata f’dak li jirrigwarda l-importanza tas-suġġetti li jridu jiġu ttrattati u l-urġenza li biha jeħtieġ li jiġu solvuti (posponiment kontinwu u stennija twila). Għaldaqstant, anke abbażi tal-iskeda tiegħu stess, li ilha mfassla żmien mhux ħażin, il-KESE jintrabat li jressaq pjan proprju dwar il-Fażi 2, possibbilment flimkien mal-Kummissjoni, biex dawn is-suġġetti jiġu diskussi fil-pajjiżi tal-UE, ibda minn dawk taż-żona tal-euro.

1.9.

Il-proposti: il-KESE, b’ċerti opinjonijiet imfassla sa mill-bidu tal-kriżi, ifformula proposti dwar diversi aspetti tal-kriżi finanzjarja u dwar il-limitazzjonijiet tal-politiki ekonomiċi li implimentat l-UE. Il-KESE, anke permezz ta’ xi opinjonijiet fuq inizjattiva proprja, fassal proposti speċifiċi, pereżempju dwar il-governanza ekonomika, finanzjarja u monetarja tal-UEM. Il-Kumitat għamel proposti dwar il-governanza politika taż-żona tal-euro, ferm qabel l-istess Kummissjoni. Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-proposti qafas dwar is-suġġetti koperti minn din il-Komunikazzjoni, jagħmel referenza għall-opinjonijiet diġà mfassla (6) u għal dawk li qegħdin jiġu mfassla dwar proposti speċifiċi tal-Kummissjoni (7).

2.   Sfond

2.1.

Din l-opinjoni hija maħsuba biex tirrappreżenta ħarsa ġenerali dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar iż-żona tal-euro. L-aspetti speċifiċi huma ttrattati f’opinjonijiet oħrajn tal-KESE.

2.2.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija r-riżultat tal-ħtieġa li jiġi implimentat it-tieni rapport tal-5 Presidenti dwar l-UEM, peress li l-ewwel wieħed ġie injorat għal kollox mill-Kummissjoni Barroso. Iż-żewġ rapporti kellhom l-għan li jsibu rimedju għal-limitazzjonijiet tal-UEM li, kif inhu magħruf, il-kriżi finanzjarja u ekonomika kienet enfasizzat u uriet lill-Ewropej kollha u mhux biss. Limitazzjonijiet li ffaċilitaw u indirizzaw l-ispekulazzjoni fuq l-euro, u għalhekk kienu u huma l-kawża ewlenija tal-kriżi, u tal-persistenza tagħha, fiż-żona tal-euro.

2.3.

Kienet l-istess raġuni li kienet ġiegħlet lill-KESE, qabel il-Kummissjoni u l-entitajiet Komunitarji l-oħrajn, jifformula proposti preċiżi dwar dan, li minn ftit żmien “l hawn biss ingħataw attenzjoni, il-kunsiderazzjoni mistħoqqa u r-rikonoxximent xieraq (8). F’dan ir-rigward, il-Kumitat jilqa’ u jenfasizza l-apprezzament espress mill-Kummissjoni f’rapport ta’ segwitu għal ċerti opinjonijiet riċenti tal-KESE, b’mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni trodd ħajr lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-opinjoni dettaljata u kompleta tiegħu dwar il-pilastru politiku tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Din mhux biss tanalizza s-sitwazzjoni attwali u n-nuqqasijiet tal-UEM, iżda tressaq ukoll proposti interessanti ħafna biex issaħħaħha.”

2.4.

It-tieni rapport tal-ħames presidenti, u b’riżultat ta’ dan, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li għandha timplimentah, huwa aktar dgħajjef u inqas kuraġġjuż mill-ewwel wieħed, li diġà ma kienx biżżejjed, aktarx minħabba li naqset it-tensjoni dwar il-kriżi taż-żona tal-euro jew minħabba d-diffikultà li għandhom l-Istati biex jaqsmu s-sovranità, u dan mhux tajjeb.

2.5.

Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-immigranti, tar-refuġjati u tas-sigurtà, wara l-attakki terroristiċi minn gruppi Islamiċi, ħolqu paniku fost iċ-ċittadini u l-politiċi Ewropej; enfasizzaw id-diviżjoni bejn l-Istati, ir-ritorn lejn in-nazzjonaliżmu; qegħdin jikkawżaw l-għeluq tal-fruntieri. B’hekk l-urġenza tal-pjan tal-ikkompletar tal-UEM naqset, jew twarrbet; għebet mid-dibattitu politiku u mill-“midja”, aktarx għas-sodisfazzjon ta’ ħafna politiċi, mhux biss tal-avversarji tal-UE, għall-“periklu evitat”.

2.6.

Iżda dan kollu, skont il-KESE, aktar jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni, li titkompla l-inizjattiva, li saret aktar urġenti, biex insaħħu l-Ewropa, nirkupraw il-prinċipji u l-valuri li ggwidawna (il-paċi, il-ġid, il-koeżjoni soċjali) u li jinsabu fit-Trattat. Dan kollu fl-interess komuni u ta’ kull persuna, peress li l-pajjiżi Ewropej u ċ-ċittadini tagħhom iridu jerġgħu lura għas-sens ta’ responsabbiltà komuni, jirkupraw il-fiduċja reċiproka u ma jistgħux jinfirdu mill-ġdid, kif dejjem ġara fil-passat. Tkun niżla perikoluża.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Sfortunatament, il-Komunikazzjoni taħdem fuq loġika ta’ dak li jeżisti, kemm fil-lingwaġġ kif ukoll fil-proposti; tista’ tibqa’ biss, kif seħħ ħafna drabi fil-passat, dikjarazzjoni ta’ intenzjonijiet tajbin u b’hekk tinbidel f’“bumerang”. Il-parti l-kbira tal-kontenut isegwi l-loġika tal-politiki implimentati wara l-kriżi, li tagħhom qiegħda tintalab il-konsolidazzjoni, għalkemm nafu li xi wħud minnhom kienu l-kawża tal-aggravar tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta’ ħafna pajjiżi tal-UEM. Ir-raġunijiet tal-falliment tat-tentattivi kollha li saru s’issa biex titwettaq UEM reali (mir-rapport Werner tal-1970 sar-rapport tal-erba’ Presidenti tal-2012) qegħdin ikunu injorati. Tentattivi bbażati, bħal dan, fuq gradwalità burokratika.

3.2.    L-elementi b’saħħithom

3.2.1.

Madankollu, huwa pożittiv il-fatt li l-Kummissjoni, minkejja d-dgħufija tar-rapport tal-ħames Presidenti, li huwa nieqes ukoll minn pjan direzzjonali reali, iddeċidiet li toħroġ fil-beraħ, billi bdiet l-implimentazzjoni tiegħu, f’kuntest fejn ħafna Stati Membri huma prattikament kontra. Din hija attitudni serja u perikoluża, u għalhekk il-KESE jappella lill-Istati Membri, speċjalment dawk taż-żona tal-euro, sabiex jibdlu din l-attitudni u jappoġġjaw l-inizjattiva tal-Kummissjoni, isaħħu d-dgħufijiet indikati f’din l-opinjoni, skont il-proposti li jinsabu fl-opinjonijiet l-oħrajn tiegħu.

3.2.2.

Hija pożittiva wkoll l-attenzjoni mogħtija fid-dokument tal-Kummissjoni lill-Unjoni finanzjarja, fid-diversi partijiet tagħha. Żgur li din hija l-aktar għażla importanti, flimkien mal-ikkompletar tal-Unjoni bankarja, ikkawżata mill-kriżi, sakemm titwettaq malajr u li permezz tal-mekkaniżmi pprovduti – ta’ riżoluzzjoni unika u ta’ garanzija tad-depożiti – u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, jiġu implimentati bis-sħiħ sistemi Ewropej ta’ regoli komuni li jnaqqsu r-riskji għal dawk li jfaddlu/jiddepożitaw u għall-kontribwenti li jiffinanzjaw id-djun tas-settur bankarju u għall-investituri u l-impriżi li jkomplu joperaw fi swieq finanzjarji ftit li xejn trasparenti u diversifikati fis-sorsi ta’ finanzjament. F’din il-perspettiva kien ikun xieraq li wieħed jipprovdi, kif sostna l-KESE, għas-separazzjoni bejn il-banek kummerċjali u l-banek tal-investiment (sadanittant ikun ipprovdut bad bank għas-sitwazzjonijiet preċedenti).

3.2.3.

Importanti, iżda limitata, hija l-proposta li tinħoloq “rappreżentanza esterna unifikata” tal-UEM, anke jekk l-implimentazzjoni tagħha tiġi posposta fit-tul, sal-2025 (9), filwaqt li fl-immedjat huwa mixtieq biss li jissaħħu l-arranġamenti ta’ koordinazzjoni, li diġà ddaħħlu mill-2007, fost ir-rappreżentanti taż-żona tal-euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali.

3.3.    L-elementi negattivi (dgħajfa)

3.3.1.

L-istess loġika segwita matul il-kriżi, tant li meta wieħed jaqra t-test iħoss li diġà qrah diversi drabi qabel. Fil-fatt il-KESE diġà ta l-opinjoni tiegħu dwar il-kontenut f’diversi okkażjonijiet, billi għamel proposti differenti minn dawk tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri. Minflok, għadu jiġi sostnut u jingħata x’jinftiehem, pereżempju, li: (a) il-problema tal-permanenza fl-UEM hija biss kwistjoni ta’ rispett tar-regoli ta’ “kontabilità”; (b) il-governanza ekonomika tissolva biss b’“koordinazzjoni”; (c) is-sostenibbiltà makroekonomika u finanzjarja taż-żona tal-euro hija biss problema ta’ trasparenza; (d) il-kwistjoni ferm serja tal-qgħad tista’ tkun iffaċċjata bi proposti “formali” biss kif ilu jsir għal diversi snin. Il-KESE jsostni li l-Kummissjoni għandha teżerċita bis-sħiħ u b’aktar determinazzjoni s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha fuq dawn il-kwistjonijiet, kif ukoll fuq oħrajn.

3.3.2.

L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-konsegwenzi soċjali serji kkawżati mill-qgħad f’ħafna pajjiżi taż-żona tal-euro; suġġett li għandu jingħata prijorità mill-UEM, l-istess jgħodd għall-kompetittività u l-governanza ekonomika u politika. Fil-fatt la saru proposti konkreti, la ġie propost xi strument ta’ solidarjetà u lanqas mhuwa ċar xi jfisser “pilastru Ewropew” tad-drittijiet soċjali (jistgħu jkunu dawk li diġà jeżistu fil-pajjiżi individwali?).

3.3.3.

Għas-Semestru sejrin inkomplu fuq il-bażi ta’ dak li ġie deċiż s’issa mingħajr bidliet sinifikanti, anke fil-metodu, kif kien issuġġerixxa l-KESE, ibda mill-bidla fil-makrokondizzjonalità u t-tisħiħ tal-Konferenza Interparlamentari. Mingħajr dawn il-bidliet, il-baġits tal-Istati jirriskjaw li jibqgħu esklużi minn kwalunkwe kontroll demokratiku.

3.3.4.

Jissemma “baġit” tal-UEM meta niġu għall-istabilizzazzjoni tagħha; fir-realtà dan huwa t-total u/jew il-baġits tal-Istati individwali, li m’għandu x’jaqsam xejn ma’ baġit proprju taż-żona tal-euro, u lanqas ma ssir xi referenza għad-dejn sovran eżistenti jew għal xi dejn sovran komuni eventwali, jekk ikun meħtieġ, jew għal xi taxxa Ewropea biex nindirizzaw l-infiq għall-immigrazzjoni, għar-refuġjati u għas-sigurtà. Madankollu n-nuqqas ta’ proposti għal-leġittimità demokratika hija l-proprja “ġerħa” tal-proposta kollha (il-punt 6) (10).

3.3.5.

L-“entitajiet intermedji” tas-soċjetà huma ġeneralment injorati bħala punti ta’ referenza għall-fażi ta’ konsultazzjoni, ibda minn dawk irrappreżentati fil-KESE, biex ma nsemmux il-“politika”, li hija nieqsa għal kollox jew sempliċement imsemmija bħallikieku kienet xi aspett sekondarju.

3.3.6.

Il-KESE jilqa’ l-involviment tal-imsieħba soċjali li ssuġġeriet il-Kummissjoni fil-politiki l-oħrajn. Madankollu jsostni li teħtieġ qabża ta’ kwalità fil-politika u fil-proċeduri, biex ngħaddu minn parteċipazzjoni “formali” għal waħda sostanzjali fid-djalogu soċjali tripartitiku li jeħtieġ, għalhekk, jiġi rregolat, sabiex il-ftehimiet milħuqa jkollhom effett. Dan jgħin ukoll il-fiduċja reċiproka u jżid ir-responsabbiltà ta’ kull parteċipant.

3.3.7.

It-tħejjija għal Fażi 2 (L-ikkompletar tal-UEM), fażi prijoritarja u bażika biex tingħata kredibbiltà lill-bqija tal-proposti, hija bbażata kollha fuq il-preżentazzjoni ta’ White Paper, permezz ta’ konsultazzjonijiet u djalogi maċ-ċittadini, mingħajr ma tingħata spjegazzjoni kif għandhom jiġu implimentati, u bl-esklużjoni wkoll tal-partijiet irrappreżentati fil-KESE. Din hija kundizzjoni insuffiċjenti. Jeħtieġ li jiġu involuti wkoll, pereżempju, il-parlamenti nazzjonali, flimkien ma’ dak Ewropew.

3.4.    Ir-riskji

3.4.1.

L-intenzjonijiet tal-Kummissjoni huma bla dubju tajbin, iżda l-approċċ ftit li xejn huwa kredibbli, għalkemm għad fadal il-proposti għall-Fażi 2. Il-Komunikazzjoni ma tirrappreżentax bidla vera, fid-dawl tat-Trattat attwali, biex tiġi rkuprata tal-inqas parti min-nuqqas ta’ adegwatezza ta’ Maastricht. Hemm nuqqas ta’ “proġett” globali, li jagħti sinjal tal-bidla u idea ta’ ġejjieni għaż-żona tal-euro u għaċ-ċittadini tal-UE.

3.4.2.

Huwa ħażin li nkomplu fuq it-triq ta’ dak li sar s’issa kemm f’dak li jirrigwarda l-politiki ekonomiċi kif ukoll dawk soċjali; ma nistgħux nikkunsidraw biss is-suq tax-xogħol u l-pagi bħala l-unika sistema varjabbli u nħallu barra jew nissottovalutaw il-kwistjoni tad-domanda interna, tal-iżbilanċi ekonomiċi makro u mikro u tal-iżbilanċi soċjali u tal-kontijiet kurrenti.

3.4.3.

Li nipposponu l-aġenda politika għal fażi sussegwenti, meta minflok kien hemm bżonn li nibdew minnha, jew tal-inqas, li naġixxu b’mod parallel, fid-dawl tal-emerġenzi antiki u ġodda, juri biża’ żejda min-naħa tal-Istati Membri u konvenjenzi politiċi li jistgħu jegħrqu lill-Ewropa, minflok itejbuha u joffru tamiet għall-ġejjieni.

3.4.4.

Huwa sintomatiku l-mod superfiċjali li bih jiġu diskussi l-leġittimità demokratika tas-semestru, politiki oħrajn tal-UEM jew l-istrumenti proposti. Huwa kliem kajman, minħabba l-pożizzjoni tad-diversi pajjiżi; sempliċi sostituzzjoni tad-demokrazija. Aktarx li dan jirrappreżenta l-aktar punt dgħajjef tal-proposta kollha, tal-inqas sakemm din tibqa’ kif inhi, sakemm tibda Fażi 2 li għandha tinbena b’inizjattivi ta’ ħeġġa u ta’ akkumpanjament min-naħa tas-soċjetà ċivili u politika.

3.4.5.

Tkun biss xi ħaġa superfiċjali u illużorja li wieħed jaħseb li jista’ jsolvi l-problema tad-demokrazija taż-żona tal-euro bid-“djalogu maċ-ċittadini mingħajr ma jiġi speċifikat il-mod kif dan għandu jsir, il-proċeduri ta’ involviment u l-istrumenti li jridu jintużaw, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. Minflok, irridu nsibu mod aktar konkret biex inqajmu l-kuxjenza u nħeġġu l-parteċipazzjoni tal-popolazzjoni Ewropea fil-kwistjonijiet tal-ikkompletar tal-Euro, permezz ta’ laqgħat kbar pubbliċi fl-ibliet kollha jew permezz tal-vot ta’ proposti, anke alternattivi, fil-parlamenti nazzjonali.

3.5.    L-opportunitajiet

3.5.1.

Nisfruttaw il-pubblikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni, naħtfu l-okkażjoni biex nagħmlu operazzjoni ta’ verità lejn iċ-ċittadini Ewropej, kemm dwar dak li għadu ma twettaqx mit-Trattat attwali u l-potenzjal tiegħu, kif ukoll dwar dak li seħħ minn meta twieldet l-Euro. Nivvalutaw x’ġara minħabba l-kriżi, l-iżbalji li saru kemm fil-livell tal-UE kif ukoll mill-Istati Membri, li għandhom jieħdu aktar azzjoni permezz ta’ politiki li jikkunsidraw il-valur tal-individwi; nikkunsidraw l-opportunitajiet li tlifna u r-riskji reali li ċ-ċittadini Ewropej, u mhux “Ewropa” fantażma, jistgħu jġarrbu jekk ċerti pajjiżi jibqgħu għaddejjin bil-prattika attwali.

3.5.2.

Din l-“operazzjoni ta’ verità” hija aktar urġenti u tista’ tkun iffaċilitata mill-ħtieġa li tingħata tweġiba adegwata għall-aggravar ta’ żewġ fenomeni oħrajn li qegħdin jipperikolaw is-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej kollha, jiġifieri l-emerġenza tal-immigranti u tar-rifuġjati u t-theddida tat-terroriżmu Islamiku u l-problema tas-sikurezza.

3.5.3.

Nieħdu vantaġġ biex nibdew riflessjoni, mhux formali u retorika, fuq il-valuri komuni (ċivili, etiċi, reliġjużi) li huma l-bażi tal-identità tagħna u li nibżgħu nuru u niddefendu: il-bażi vera għat-twelid mill-ġdid taż-żona tal-euro, u/jew tal-pajjiżi li jriduh. Esperjenza unika ta’ integrazzjoni miftuħa mhux biss għad-19-il pajjiż membru, iżda għall-pajjiżi l-oħrajn kollha tal-UE, inklużi l-ġodda, li jixtiequ jagħmlu parti minn nukleu politiku, maħsub li jikber gradwalment, kif seħħ bl-ewwel Komunità Ekonomika Ewropea (1957), magħmula mis-sitt pajjiżi fondaturi, li dak iż-żmien kienu tassew kuraġġużi, u li mingħajrhom, illum, ma nkunux nistgħu nitkellmu dwar l-Ewropa u lanqas ma jkun hemm it-28 Stat Membru!

3.5.4.

Għal dan il-għan ikun utli ħafna l-involviment tal-entitajiet intermedji tas-soċjetà, b’mod partikolari tal-partijiet soċjali u ċivili, li jiffavorixxi qawmien mill-ġdid tad-Djalogu soċjali u ċivili, fil-livell Ewropew u fil-pajjiżi individwali. Dawn jistgħu jkunu s-soluzzjonijiet li, bl-għajnuna tal-KESE u tal-Kummissjoni, jiftħu dibattitu informattiv u ta’ diskussjoni dwar ir-riskji u l-perikli ta’ dak li qed iseħħ, dwar l-opportunitajiet offruti mit-tibdil reali ta’ ċerti politiki tal-UE u dwar il-ħtieġa li nibqgħu flimkien, billi nsaħħu l-pedamenti tad-dar komuni, nibnu s-saqaf li jonqos, u mhux inwaqqgħu dak li bnejna s’issa.

4.   Bord Fiskali Ewropew Konsultattiv dwar il-finanzi pubbliċi (deċiżjoni tal-Kummissjoni)

4.1.

F’dak li jirrigwarda t-twaqqif ta’ bord bħal dan (11), bil-kompitu li jipprovdi valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas baġitarju tal-UE, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-koerenza orizzontali tad-deċiżjonijiet dwar is-sorveljanza tal-baġit, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tipprovdix elementi utli li jispjegaw ir-raġuni tiegħu; it-twaqqif tal-Bord Ewropew jirrappreżenta d-duplikazzjoni ta’ funzjonijiet u responsabbiltajiet li diġà jitwettqu mill-istess Kummissjoni fl-ambitu tas-setgħat ġodda pprovduti mill-governanza Ewropea.

4.2.

Mhux ċar, fil-fatt, x’inhu l-“valur miżjud” ta’ dan il-korp, magħmul minn ħames esperti esterni, li jiġi mitlub iwettaq attività aktar attenta ta’ analiżi tal-politiki baġitarji kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-euro. Wieħed jieħu l-impressjoni li huwa s-soltu Kumitat Ewropew ta’ sorveljanza li jagħti pariri dwar il-baġits taż-żewġ istituzzjonijiet, dik tal-UE u dawk tal-pajjiżi tal-Euro, mingħajr setgħat effikaċi ta’ intervent f’każijiet ta’ nuqqas ta’ rispett jew adegwatezza tal-politiki baġitarji kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell taż-żona tal-euro.

4.3.

Il-KESE huwa sorpriż bil-mod kif jinħatru l-membri tal-Kumitat Konsultattiv. Biżżejjed wieħed ifakkar li, minn total ta’ ħames membri, tlieta huma indikati mill-president maħtur, mingħajr ebda involviment tal-Parlament Ewropew, kif dan ġustament jinnota fir-riżoluzzjoni tiegħu (12). Għalhekk ma jidhirx li huwa Kumitat li jappoġġja lill-Kummissjoni fl-għażliet tagħha, iżda pjuttost speċi ta’ “amministrazzjoni obbligatorja” mill-Kunsill, ta’ funzjoni li llum hija ddelegata lill-istess Kummissjoni. Dan jista’ jaggrava s-sitwazzjoni attwali, li llum diġà hija bbażata fuq bilanċi prekarji ħafna.

4.4.

Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ssir referenza għal konnessjoni possibbli bejn il-Bord Ewropew Konsultattiv dwar il-politiki baġitarji u l-Kunsilli nazzjonali għall-finanzi pubbliċi, mingħajr ma jiġu speċifikati l-għanijiet li għandhom jiġu segwiti, definiti l-oqsma ta’ azzjoni rispettivi tagħhom u definiti r-responsabbiltajiet u l-oqsma ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet.

Brussell, is-17 ta’ Marzu 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività Ara l-paġna 35 tal-ĠU.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar Rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro (ara l-paġna 16 tal-ĠU).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (ara l-paġna 21 tal-ĠU).

(4)  Opinjonijiet tal-KESE dwar: Green Paper – Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 64) u Pjan ta’ Azzjoni għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali (ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17).

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar It-tkabbir u d-dejn sovran fl-UE: żewġ approċċi innovattivi (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10).

(6)  Opinjonijiet tal-KESE dwar L-ikkompletar tal-UEM – Il-proposti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġiżlatura Ewropea li jmiss (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10); dwar L-ikkompletar tal-UEM: il-pilastru politiku (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8); dwar Il-Metodu Komunitarju għal UEM demokratika u soċjali (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 33), u oħrajn.

(7)  Opinjonijiet tal-KESE dwar Rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro, dwar Skema Ewropea ta’ garanzija tad-depożiti, dwar Bordijiet nazzjonali tal-kompetittività u dwar Politika ekonomika taż-żona tal-euro (2016) (ara l-paġna 16 tal-ĠU).

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar is-suġġetti: Wara 10 snin x’direzzjoni għall-euro? (ĠU C 271, 19.9.2013, p. 8); ‘L-ikkompletar tal-UEM – il-leġislatura Ewropea li jmiss’ (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10); u dwar ‘L-ikkompletar tal-UEM: il-pilastru politiku’ (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8).

(9)  COM(2015) 603 – 2015/0250 (NLE).

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar is-suġġett Il-Metodu Komunitarju għal UEM demokratika u soċjali (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 33).

(11)  C(2015) 8000 final.

(12)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2015 dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea (2015/2936 (RSP)).


18.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fiż-Żona tal-Euro”

[COM(2015) 601 finali]

(2016/C 177/06)

Relatur:

is-Sur Thomas DELAPINA

Korelatur:

is-Sur David CROUGHAN

Nhar il-11 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-

“Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fiż-Żona tal-Euro”

[COM(2015) 601 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, li kienet inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Marzu 2016.

Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-17 ta’ Marzu 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’200 vot favur, 3 voti kontra u 11-il astensjoni.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jeżamina sa fejn il-Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fiż-żona tal-euro jistgħu jgħinu biex jinkiseb it-titjib meħtieġ fil-governanza tal-politika ekonomika billi jnaqqsu d-diverġenza bejn il-membri tal-UEM u ma jħalluhiex tiġri fil-ġejjieni, billi jaġixxu ta’ riflessjoni għall-politika ekonomika u soċjali u billi jsaħħu l-fokus Ewropew billi jkunu konnessi f’netwerk taż-żona tal-euro.

1.2.

Il-kompetittività mhijiex għan fih innifsu. Hija biss għan raġonevoli jekk ittejjeb il-benesseri tan-nies fil-prattika. Fil-fehma tal-KESE, il-kontinwazzjoni tal-politika attwali mhijiex għażla. L-istrateġija unilaterali li kellha l-għan li ttejjeb il-kompetittività fil-pajjiżi tal-UEM bit-tnaqqis tal-ispejjeż u ż-żieda fl-esportazzjoni fil-verità ggravat l-impatt tal-kriżi jekk xejn għaliex hija bbażata fuq definizzjoni dejqa wisq tal-kompetittività.

1.3.

Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li fil-ġejjieni tintuża definizzjoni aġġornata tal-kompetittività (“competitiveness 2.0”), u jiġu kkunsidrati l-kunċetti proposti fil-proġett WWWforEurope ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea. Din id-definizzjoni riveduta hija kompatibbli mal-għanijiet tal-Ewropa 2020, li jinkludu wkoll l-għanijiet ta’ “Il-PDG u lil hinn”. Fiha l-kompetittività hija ddefinita bħala “l-kapaċità ta’ pajjiż (reġjun, post) li jilħaq l-għanijiet tal-PDG u lil hinn għaċ-ċittadini tiegħu”. Skont dan l-approċċ, il-kompetittività hija bbażata fuq tliet pilastri: l-introjtu, il-fatturi soċjali u s-sostenibbiltà. Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, il-KESE jħeġġeġ biex diskussjonijiet futuri jirreferu għal “bordijiet għall-kompetittività, il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà” u mhux għal “bordijiet tal-kompetittività”.

1.4.

Il-KESE jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tipprovdi kjarifika dwar numru ta’ punti sabiex l-attivitajiet ta’ dawn il-Bordijiet għall-Kompetittività, il-Koeżjoni Soċjali u s-Sostenibbiltà jkunu jistgħu jiġu evalwati. Numru ta’ kwistjonijiet tekniċi dwar pereżempju n-nomina tal-membri, id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà eċċ. għadhom ukoll mingħajr tweġiba.

1.4.1.

Il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni li tippermetti lill-Istati Membri jfasslu l-bordijiet nazzjonali tagħhom bl-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet ġodda jew bl-adattament tal-mandat ta’ korpi eżistenti, sakemm dawn ikunu indipendenti u l-għan tagħhom la jkun li jinterferixxu fil-proċess tal-iffissar tal-pagi u fir-rwol tal-imsieħba soċjali u lanqas li jarmonizzaw is-sistemi nazzjonali tal-iffissar tal-pagi. Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol u l-korpi eżistenti, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq eżerċizzju ta’ mmappjar (il-ħidma tal-FMI, l-OECD, kumitati eżistenti, korpi nazzjonali u korpi oħra potenzjalment utli, eċċ.). Tali reviżjoni komprensiva hija importanti għaliex tappoġġja t-teħid tad-deċiżjonijiet billi tagħmilha possibbli li jiġi stmat il-valur miżjud tal-bordijiet proposti, li titwettaq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u li tiġi stmata l-ħtieġa għal korpi addizzjonali.

1.4.2.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti konkreti dwar kif jistgħu jitħarsu r-rekwiżiti meħtieġa:

responsabbiltà, leġittimità u trasparenza bl-inkorporazzjoni sħiħa tal-istituzzjonijiet leġittimi demokratikament bħall-parlamenti, is-sħab soċjali u organizzazzjonijiet rappreżentattivi oħra tas-soċjetà ċivili;

rappreżentazzjoni ta’ kompetenza imparzjali bbilanċjata biex tirrifletti d-diversità eżistenti fl-opinjonijiet;

karattru mhux vinkolanti tal-proposti tal-bord, b’mod speċjali bil-preservazzjoni sħiħa tal-awtonomija tal-imsieħba soċjali;

inklużjoni tar-rwol doppju tal-pagi, li huma kemm fattur ta’ spiża għan-negozji u d-determinant prinċipali għad-domanda domestika, meta tiġi vvalutata l-kompetittività skont id-definizzjoni l-ġdida.

1.5.

Il-KESE diġà ressaq proposti speċifiċi għall-approfondiment tal-UEM qabel l-aħħar pakkett tal-Kummissjoni – proposti li għandhom jiġu implimentati.

Strateġiji nazzjonali f’kompetizzjoni mhumiex meħtieġa, iżda hemm il-ħtieġa ta’ strateġija Ewropea komuni. Hawnhekk hija ta’ importanza kruċjali li jiġi estiż id-djalogu makroekonomiku u li jiġi introdott għaż-żona tal-euro. Dan huwa fejn għandha sseħħ il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tat-tliet fatturi ewlenin tal-politika makroekonomika.

Fuq livell nazzjonali, ir-rwol tas-sħab soċjali għandu jissaħħaħ u jiġu żviluppati jew ikkonsolidati sistemi ta’ djalogu makroekonomiku.

Ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali u tal-PE għandu jissaħħaħ biex jiżgura responsabbiltà demokratika, u r-rwol tagħhom m’għandux jitnaqqar minn kumitati teknokratiċi ta’ esperti.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-għanijiet ekonomiċi u soċjali jitqiegħdu fuq l-istess livell u li titwettaq valutazzjoni tal-impatt soċjali għall-miżuri kollha flimkien mas-Semestru Ewropew.

Il-promozzjoni tal-investiment pubbliku u privat hija ta’ importanza kruċjali għat-tnaqqis tal-iżbilanċi, li tirrikjedi politika baġitarja li tkun immirata aħjar lejn il-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjieg ta’ kwalità għolja.

Din taffettwa n-naħa tal-introjtu għaliex teħtieġ sistemi fiskali mfassla kif xieraq biex jiżguraw bażi finanzjarja adegwata. U tikkonċerna wkoll in-naħa tal-infiq, fejn il-KESE wkoll jara l-ħtieġa għal iżjed miżuri favur it-tkabbir. Regola tad-deheb fuq bażi usa’ għall-finanzjament tal-investiment pubbliku b’mod partikolari tidher konsistenti mal-miżuri eżistenti li jippermettu li l-ispejjeż tal-finanzjament ta’ investiment futur jinfirxu fuq diversi ġenerazzjonijiet.

2.   Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni

2.1.

Fil-Komunikazzjoni tagħha Dwar passi lejn l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kummissjoni tipproponi li tkompli tikkonsolida ż-żona tal-euro sal-bidu tal-2017 (Stadju 1 – “tisħiħ bil-prattika”, li beda fil-15 ta’ Lulju 2015) u mbagħad, abbażi ta’ punti ta’ riferiment għal tiġdid ta’ konverġenza akbar tal-ekonomiji taż-żona tal-euro, għandhom isiru riformi aktar fundamentali lejn viżjoni ta’ perspettivi ġodda ta’ tkabbir fuq medda minn medja sa twila (Stadju 2 – “Nikkompletaw l-UEM”). Wieħed mill-elementi ewlenin tal-Ewwel Stadju huwa sett ta’ għodod imtejba ta’ governanza ekonomika, inkluża l-proposta li l-Kunsill jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fl-Istati Membri fiż-żona tal-euro (kif ukoll l-inkoraġġiment lil Stati Membri oħrajn sabiex joħolqu korpi simili).

2.2.

L-intenzjoni tal-Kummissjoni hija li l-mobilizzazzjoni tal-għarfien espert nazzjonali indipendenti tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jassumu r-responsabbiltà huma stess għall-miżuri u r-riformi neċessarji fil-livell nazzjonali. L-għan huwa li jiġu stabbiliti bordijiet nazzjonali tal-kompetittività sabiex jimmonitorjaw il-prestazzjoni u l-politiki fil-qasam ta’ kunċett komprensiv tal-kompetittività, sabiex b’hekk jikkontribwixxu għat-trawwim ta’ konverġenza ekonomika sostnuta u għaż-żieda tas-sjieda tar-riformi neċessarji fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri huma mistiedna jimplimentaw il-prinċipji stabbiliti f’din ir-rakkomandazzjoni u, wara 12-il xahar, il-Kummissjoni tiġi mistiedna sabiex tħejji rapport tal-progress dwar l-implimentazzjoni u l-adegwatezza ta’ din ir-rakkomandazzjoni, inkluż jekk l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet vinkolanti tidhirx meħtieġa.

2.3.

Il-bordijiet jimmonitorjaw ix-xejriet tal-kompetittività fl-Istati Membri individwali, speċjalment il-fatturi li jistgħu jaffettwaw il-prezzijiet u l-kontenut ta’ kwalità tal-prodotti u s-servizzi b’mod relattiv għall-kompetituri globali fi żmien qasir. Il-kompetenza tal-bordijiet tkun “id-dinamiċi tal-pagi kif ukoll fatturi mhux marbuta mal-pagi u motivaturi tal-produttività u kunsiderazzjonijiet dinamiċi relatati mal-investiment, l-innovazzjoni u l-attraenza tal-ekonomija għan-negozji”. Il-bordijiet ser janalizzaw u jivvalutaw il-miżuri rilevanti u jifformulaw rakkomandazzjonijiet ta’ politika, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u l-prattiki stabbiliti. Il-bordijiet ser jipprovdu wkoll informazzjoni rilevanti sabiex isaħħu l-proċessi tal-iffissar tal-pagi fil-livell nazzjonali. B’konformità mal-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-drittijiet ta’ negozjar kollettiv u ta’ ftehim kollettiv mhux ser jiġu affettwati.

2.4.

Il-bordijiet igawdu minn indipendenza funzjonali u strutturali fil-konfront tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-bordijiet għandhom jikkonsultaw mal-partijiet interessati rilevanti (eż. parteċipanti jew gruppi ta’ parteċipanti nazzjonali, inkluż is-sħab soċjali, li jipparteċipaw fid-djalogu ekonomiku u soċjali tal-Istat Membru fuq bażi regolari) imma m’għandhomx jittrażmettu biss jew prinċipalment l-opinjonijiet u l-interessi ta’ grupp partikolari ta’ partijiet interessati.

2.5.

Il-bordijiet għandhom ifasslu rapporti annwali. Sabiex tiżgura li ż-żona tal-euro u l-għanijiet tal-Unjoni jkunu kkunsidrati, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tikkoordina l-ħidma tal-bordijiet, bil-konsultazzjoni ssir bejn iż-żewġ naħat waqt li jkunu qegħdin jitfasslu r-rapporti u matul il-missjonijiet ta’ tiftix tal-fatti fl-Istati Membri. Ir-rapporti ser iservu wkoll ta’ tagħrif għall-analiżi tal-Kummissjoni b’rabta mas-Semestru Ewropew u l-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jħaddan l-istess konvinzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li jeħtieġ li l-UEM tittejjeb u tissaħħaħ; huwa għadda din ir-rimarka u għamel proposti speċifiċi f’ħafna mill-opinjonijiet tiegħu. Il-Kumitat ifaħħar ukoll il-passi pożittivi li ttieħdu mill-Kummissjoni u jesprimi l-fehma tiegħu li koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi nazzjonali hija assolutament essenzjali sabiex jitneħħew l-iżbilanċi eżistenti u jkun inqas probabbli li l-iżbilanċi jerġgħu jidhru fil-ġejjieni. Parti sinifikanti mill-valur miżjud ta’ dawn il-bordijiet nazzjonali tista’ tkun il-konnessjoni tagħhom f’netwerk taż-żona tal-euro ta’ bordijiet oħra bħalhom li ssaħħaħ il-fokus Ewropew tad-dibattitu politiku bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

3.2.

Madankollu, din il-problema mhijiex qed tiġi indirizzata b’mod adegwat mill-politiki attwali: huma meħtieġa strumenti aħjar għall-ġestjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, il-KESE jilqa’ bis-sħiħ ir-rikonoxximent tal-Kummissjoni li għandu jkun hemm aktar enfasi fuq il-prestazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-impjiegi u l-għanijiet soċjali u li s-“sjieda” tal-isforzi ta’ riforma għandha tissaħħaħ. Il-Kummissjoni hija wkoll korretta meta tappella għal aktar involviment mill-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali, kif ukoll għall-inklużjoni tal-imsieħba soċjali nazzjonali, permezz tar-rappreżentanzi tal-Kummissjoni, fil-proċess tas-Semestru Ewropew fil-livell nazzjonali. Il-bordijiet nazzjonali, stabbiliti bl-involviment sħiħ tal-partijiet interessati kollha jistgħu jsiru mera utli li tirrifletti l-impatt ekonomiku u soċjali tal-azzjonijiet ta’ politika attwali u prospettivi.

3.3.

Fil-każ tal-Istati Membri li imbarkaw fuq politika monetarja waħdanija (munita waħda, rata tal-imgħax waħda) bi probabbiltà żgħira li din tista’ fi żmien medju jew qatt xi darba ssir unjoni ekonomika, soċjali u fiskali sħiħa bħal f’unjoni kompletament federali, il-korrezzjoni tal-iżbilanċi bl-adattament tar-rata tal-kambju nominali ma għadhiex għażla possibbli. Sa issa, l-isforzi sabiex tingħata spinta lill-kompetittività fiż-żona tal-euro kienu essenzjalment limitati għal għan definit b’mod ristrett, jiġifieri t-titjib tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni u tal-kontijiet kurrenti, ta’ spiss permezz ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li jista’ jkun kontroproduttiv. Il-politika attwali ma setgħetx telimina l-iżbilanċi u l-konsegwenzi negattivi tal-kriżi. Għall-kuntrarju, f’xi każijiet, il-miżuri adottati fil-fatt komplew isaħħuhom (1) minħabba li saret wisq enfasi fuq il-politika ta’ awsterità purament fuq in-naħa tal-provvista, li naqqset id-domanda, filwaqt li kompliet iżżid il-qgħad, l-iżbilanċi pubbliċi u l-inugwaljanza soċjali. Hekk kif l-emerġenza ta’ żbilanċi tista’ tirriżulta f’realtajiet ħorox jekk ma jiġux indirizzati fil-ħin, huma meħtieġa strumenti tal-politika ġodda biex jiġi evitat li l-piż kollu tal-adattament jinġarr biss mill-pagi u s-swieq tax-xogħol.

3.4.

Għalkemm fir-rakkomandazzjoni tagħha l-Kummissjoni titkellem favur “kunċett komprensiv ta’ kompetittività”, il-KESE jirrimarka li lura fl-2002 il-Kummissjoni kienet ippubblikat definizzjoni ferm aktar wiesgħa tat-terminu, jiġifieri “l-ħila tal-ekonomija li tipprovdi lill-popolazzjoni tagħha b’livelli ta’ għajxien għolja u li qed jogħlew u rati għolja ta’ impjieg fuq bażi sostenibbli” (2). Fil-proġett WWWforEurope (3) ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, din id-definizzjoni ġiet approfondita bil-kopertura tal-għanijiet “Il-PDG u lil hinn” bħall-inklużjoni soċjali u l-ambjent sostenibbli fil-kuntest tal-istrateġija Ewropa 2020 (4). Fiha l-kompetittività hija ddefinita bħala “l-kapaċità ta’ pajjiż (reġjun, post) li jilħaq l-għanijiet tal-PDG u lil hinn għaċ-ċittadini tiegħu” (5). Il-kompetittività titkejjel abbażi ta’ tliet pilastri: il-pilastru tal-introjtu (inkluż l-introjtu disponibbli tal-familja u n-nefqa tal-konsumaturi), il-pilastru soċjali (l-impatt soċjo-ekonomiku ta’ sistema, bħar-riskju ta’ faqar, inugwaljanza u qgħad fost iż-żgħażagħ) u l-pilastru ambjentali, li jkejjel il-produttività tar-riżorsi, l-intensità tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra, l-intensità tal-enerġija u s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku. Għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-aġenda diġitali. Dan ma jimplikax li l-iżbilanċi (bħall-kont kurrenti tal-bilanċ tal-pagamenti) jistgħu jiġu injorati kif wieħed seta’ jara wara l-kriżi finanzjarja.

3.5.

Biex jiġi żgurat li tinftiehem id-definizzjoni komprensiva ta’ kompetittività (“competitiveness 2.0”), il-KESE jissuġġerixxi li d-diskussjonijiet futuri jsiru taħt l-intestatura ta’ “bordijiet għall-kompetittività, il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà” minflok dik ta’ “bordijiet tal-kompetittività”.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Hemm għadd numeruż ta’ istituzzjonijiet u proċeduri fil-livell internazzjonali (inklużi l-FMI u l-OECD, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea) li jimmonitorjaw il-kompetittività u joħorġu rakkomandazzjonijiet ta’ politika rilevanti. Fil-livell nazzjonali wkoll, hemm ħafna korpi, bħal istituti indipendenti tar-riċerka ekonomika, uffiċċji tal-istatistika u kunsilli ekonomiċi u soċjali, li jittrattaw kwistjonijiet bħal dawn. Il-Kummissjoni tinnota li l-istabbiliment tal-bordijiet tal-kompetittività jista’ jibni fuq l-istituzzjonijiet u l-ħidma eżistenti, għaliex xi pajjiżi diġà għandhom korpi bħal dawn u f’pajjiżi oħra jistgħu jintużaw korpi li diġà jeżistu. Madankollu, huwa importanti li l-bordijiet ikunu indipendenti u r-rwol konsultattiv tagħhom jirrifletti b’mod adegwat il-ġudizzju espert ifformulat fl-interess ġenerali.

4.2.

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni tirrakkomanda li jsir rapport ta’ progress fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni, abbażi tal-informazzjoni rilevanti mill-Istati Membri, dwar l-implimentazzjoni u l-idoneità ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività. Qabel l-istabbiliment tal-bordijiet, għandu jsir eżerċizzju ta’ mmappjar li jevalwa l-attivitajiet u l-effettività tal-korpi eżistenti u ta’ dawk li potenzjalment jista’ jkun hemm fil-ġejjieni. Tali reviżjoni komprensiva li tinkludi l-kompetenza tal-imsieħbasoċjali tappoġġja t-teħid tad-deċiżjonijiet billi tagħmilha possibbli li jiġi stmat il-valur miżjud ta’ dawn il-bordijiet, titwettaq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u jiġi stmat jekk hemmx il-ħtieġa għal korpi addizzjonali.

4.3.

Il-Kummissjoni bir-raġun kollu tibqa’ tenfasizza l-ħtieġa li jittejbu t-trasparenza u l-leġittimità demokratika tal-politika permezz tal-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali kif ukoll tal-partijiet interessati rilevanti tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali. Għalhekk, il-KESE jitlob biex il-korpi responsabbli demokratikament ikunu involuti kif xieraq fil-kwistjonijiet tan-nomina u r-ratifika tal-membri tal-bord, tas-setgħat, tat-tfassil tal-programmi ta’ ħidma, tal-forniment ta’ rapporti u kontijiet eċċ. li jeħtieġ li jiġu ċċarati jekk jiġu stabbiliti l-bordijiet.

4.4.

Qabel ma l-istabbiliment tal-bordijiet tal-kompetittività jista’ jiġi approvat, il-Kummissjoni għandha tindika l-kriterji għall-indipendenza tagħhom u għar-rappreżentazzjoni ta’ kompetenza imparzjali bbilanċjata li tirrifletti d-diversità tal-opinjonijiet inkluż dawk tal-imsieħba soċjali sabiex jitneħħew id-dubji li jeżistu dwar l-eżistenza ta’ kompetenza newtrali indipendenti. Anke l-kwistjoni tar-responsabbiltà fil-każ ta’ analiżijiet jew tbassir żbaljati mill-bordijiet jeħtieġ li tiġi ċċarata.

4.5.

Meta jinnota n-natura konsultattiva ta’ dawn il-korpi, il-KESE ifittex kjarifika mill-Kummissjoni sabiex tkun espliċita dwar in-natura mhux vinkolanti tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-bordijiet tal-kompetittività. Il-kwistjoni mhux vinkolanti tqum b’mod partikolari b’rabta mal-protezzjoni tal-awtonomija tal-partijiet li jinnegozjaw il-pagi. Fir-rakkomandazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tinnota li d-dritt tan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet kollettivi ma għandux jiġi affettwat, iżda din l-assigurazzjoni, li tikkonċerna biss id-dritt garantit mit-Trattat (6), hija dgħajfa wisq. Kwalunkwe attentat biex jiġi influwenzat b’mod dirett l-iffissar tal-pagi jaqa’ kompletament barra mill-ambitu tal-kompetenza tal-bordijiet tal-kompetittività.

4.6.

Il-KESE jinnota l-kunsiderazzjoni usa’ tal-kompetittività lil hinn mill-kompetittività tal-ispejjeż. Kunsiderazzjonijiet oħra għall-prevenzjoni tal-akkumulazzjoni ta’ żbilanċi għandhom iqisu l-karattru doppju tal-pagi (il-fattur tal-ispiża għall-intrapriżi, u l-fattur li jiddetermina d-domanda domestika; ara l-punt 5.5). Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi mħaddan approċċ simetriku lejn l-eċċessi u l-iżbilanċi sabiex l-iżbilanċi jkunu jistgħu jiġu indirizzati b’mod adegwat (7).

5.   Proposti tal-KESE

5.1.

Il-KESE jemmen fil-ħtieġa tal-approfondiment tal-UEM. Billi l-Kumitat identifika bosta mistoqsijiet mhux imwieġba f’din l-istima tiegħu tal-proposta tal-Kummissjoni, mistoqsijiet li jeħtieġu aktar analiżi u kjarifiki, sommarju ġej rilevanti tagħha tal-proposti ppreżentati sal-lum. Fis-snin riċenti, il-KESE adotta għadd ta’ opinjonijiet dwar is-suġġett tal- “approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (8)”, bl-iktar waħda reċenti tkun il-petizzjoni ECO/380 dwar Il-Metodu Komunitarju għal UEM demokratika u soċjali fl-2015 (9).

5.2.

Il-KESE jressaq proposti għal inizjattivi futuri tal-UEM mill-Kummissjoni fl-opinjoni tiegħu ECO/380. Il-KESE huwa konvint li tali miżuri ser jgħinu sabiex jinġiebu fi tmiemhom id-diverġenzi fil-funzjonament tas-swieq tax-xogħol, fl-iffissar tal-pagi u fis-sistemi soċjali, sistemi li huma meħtieġa għall-istabbilizzazzjoni tal-UEM u għall-approfondiment tagħha minn perspettiva soċjali u demokratika. L-approċċ tal-KESE huwa bbażat fuq l-idea li, fil-kuntest ġenerali tal-politika monetarja, baġitarja u tal-pagi, tista’ tiġi żviluppata l-kunfidenza u tista’ tinkiseb konverġenza akbar mingħajr ma tiddgħajjef l-indipendenza tan-negozjar kollettiv.

5.3.

Dan ser ikun jirrikjedi miżuri li jippromwovu d-djalogu makroekonomiku u, fuq kollox, li jistabbilixxu djalogu makroekonomiku fiż-żona tal-euro (MED-EURO). L-MED kien imniedi fl-1999 sabiex jikseb taħlita ta’ politika makroekonomika sostenibbli u orjentata lejn it-tkabbir u l-istabbiltà, jiġifieri, interazzjoni bla xkiel bejn l-iżvilupp tal-pagi u l-politika fiskali u monetarja. Dan il-forum għall-koordinazzjoni tat-tliet parteċipanti l-kbar fil-politika makroekonomika jista’, bl-involviment dirett tal-imsieħba soċjali, jagħmel kontribuzzjoni ewlenija sabiex jiggarantixxi l-koordinazzjoni meħtieġa, il-konformità mal-mira ta’ stabbiltà komuni tal-UEM u l-iżvilupp demokratiku u soċjali tal-UEM. Is-sejbiet u l-konklużjonijiet tiegħu għandhom jikkontribwixxu kemm għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir kif ukoll għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

5.4.

Għal darba oħra, il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tar-rwol tal-imsieħba soċjali u l-involviment tagħhom fit-tfassil tal-politika. Xi tip ta’ djalogu makroekonomiku huwa wkoll ta’ benefiċċju fil-livell nazzjonali. Kien hemm tkabbir qawwi fil-kompetittività u fil-produttività, l-aktar f’dawk il-pajjiżi fejn hemm djalogu soċjali u relazzjonijiet industrijali robusti u fejn huwa garantit livell għoli ta’ protezzjoni soċjali u koeżjoni soċjali.

5.5.

Is-sistema tal-iffissar tal-pagi għandha titħalla għall-imsieħba tan-negozjar kollettiv, mingħajr ebda interferenza minn barra. L-awtonomija tagħhom għandha titħares u tkun garantita bis-sħiħ. Huma għandhom l-aqwa għarfien tas-sitwazzjoni attwali b’rabta mal-iffissar tal-pagi u s-swieq tax-xogħol. L-imsieħba tan-negozjar kollettiv jieħdu f’kunsiderazzjoni l-fatt li l-bidliet fil-pagi jħallu effetti kemm fuq l-ispejjeż kif ukoll fuq id-domanda. Huma konxji sewwa li l-allinjament taż-żidiet fil-pagi mat-tkabbir fil-produttività nazzjonali għal żmien medju, flimkien mar-rata ta’ inflazzjoni fil-mira tal-BĊE, għandu impatt newtrali f’termini ta’ prezzijiet, kompetittività, domanda domestika u distribuzzjoni tal-introjtu (10). Il-ħtieġa għat-tisħiħ tad-djalogu makroekonomiku titrawwem mill-fatt li dan l-għarfien ivarja minn Stat Membru għal ieħor u xi drabi ma jsib ebda espressjoni prattika, biex b’hekk iwassal għal żbilanċi.

5.6.

Fil-governanza taż-żona tal-euro jeħtieġ li jkun hemm involviment aktar attiv tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew. Il-KESE jappella għal kumitat kbir tal-PE li jkun jikkonsisti fil-membri parlamentari kollha miż-żona tal-euro u tal-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fiha, flimkien ma’ koordinazzjoni aktar b’saħħitha fost il-membri parlamentari miż-żona tal-euro dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-UEM (COSAC+).

5.7.

Il-KESE jirrimarka li l-għanijiet tal-politika ekonomika għandhom isiru aktar konformi mal-għanijiet tal-politika soċjali tal-UE skont l-Artikolu 4(2) tat-TFUE u li għandhom jiġu riżolti l-kunflitti possibbli bejn l-għanijiet ekonomiċi u soċjali. Il-miżuri kollha taħt is-Semestru Ewropew – b’konformità mal-klawżola soċjali orizzontali – għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt soċjali (11).

5.8.

Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-ġestjoni tad-domanda fi żmien qasir u programm ta’ investiment effettiv għall-ġenerazzjoni ta’ introjtu permezz ta’ tkabbir, koeżjoni soċjali u solidarjetà huma essenzjali. Dan jimplika ħtieġa għal politika baġitarja favorevoli għat-tkabbir u l-impjiegi. Għandu jkun hemm koordinazzjoni fiskali effettiva sabiex jiġi żgurat li l-pajjiżi jkollhom bażi ta’ introjtu xierqa. Hija meħtieġa wkoll azzjoni b’saħħitha għall-indirizzar tal-frodi fiskali, tar-rifuġji fiskali u tal-ippjanar fiskali aggressiv.

5.9.

Fuq in-naħa tal-infiq ukoll, il-Kumitat jara lok għal aktar politiki baġitarji li jiffavorixxu t-tkabbir. L-investiment pubbliku huwa għodda ewlenija għall-irkupru ekonomiku. L-investimenti meħtieġa f’oqsma mill-aktar avvanzati u fil-qasam soċjali (ir-riċerka, l-edukazzjoni, l-indukrar tat-tfal, is-servizzi soċjali, l-akkomodazzjoni pubblika, eċċ.) mhux biss jippromwovu t-tkabbir u l-impjiegi fi żmien qasir, iżda wkoll iżidu l-produzzjoni potenzjali fit-tul. L-investiment u t-tkabbir, b’mod partikolari fil-pajjiżi milquta mill-kriżi, huma fundamentali għall-proċess ta’ rkupru u, b’hekk, għat-tneħħija tal-iżbilanċi.

5.10.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni sabiex il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi ma jiġux inklużi fil-kalkoli tal-bilanċ negattiv tal-baġit. Billi din hija kwistjoni ta’ nfiq li tagħti spinta lill-potenzjal ta’ tkabbir u li mir-rikavati tagħha ser jibbenifikaw ukoll il-ġenerazzjonijiet futuri, il-finanzjament għandu jinfirex ukoll fuq bosta ġenerazzjonijiet. Bl-użu tal-istess raġunament, il-Kumitat għalhekk jistaqsi għal darba oħra (12) għaliex ma jistax ikun hemm trattament identiku tal-investimenti orjentati lejn il-futur bl-użu tal-baġit ġenerali, fil-forma ta’ regola tad-deheb tal-investiment.

Brussell, is-17 ta’ Marzu 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Għal deskrizzjoni dettaljata, ara l-opinjoni ECO/336 tal-KESE dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (punt 3.8 ff.), (ĠU C 133, 9.5.2013, p. 44).

(2)  COM(2002) 714 finali.

(3)  http://www.foreurope.eu/.

(4)  WWWforEurope, Dokument ta’ Ħidma Nru 84: Kompetittività u Raggruppamenti: Implikazzjonijiet għal Strateġija Ewropea Ġdida ta’ Tkabbir (Frar 2015).

(5)  Ibid, p. 9.

(6)  L-Artikolu 153(1) tat-TFUE: “Bl-għan li jinkisbu l-għanijiet tal-Artikolu 151, l-Unjoni għandha ssostni u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma: […]” u (5): “Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu la japplikaw għall-pagi, la għad-dritt ta’ assoċjazzjoni, la għad-dritt ta’ strajk u lanqas għad-dritt li jiġi impost lock out”.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar “Rieżami tal-Governanza Ekonomika” (ĠU C 268, 14.8.2015, p. 33) (punt 3.2.3).

(8)  B’mod partikolari dwar il-pilastru politiku: ara l-Opinjoni tal-KESE dwar ‘L-ikkompletar tal-UEM: il-pilastru politiku’ (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8).

(9)  U qabel dik, l-Opinjoni tal-KESE dwar L-Ikkompletar tal-UEM: Il-pilastru politiku (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8).

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir” (ĠU C 132, 3.5.2011, p. 26) (punt 2.3).

(11)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Il-Metodu Komunitarju għal UEM demokratika u soċjali (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 33).

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (ĠU C 268, 14.8.2015, p. 27) (punt 4).


18.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/41


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro”

(COM(2015) 692 final)

(2016/C 177/07)

Relatur:

is-Sur Michael IKRATH

Korelatur:

is-Sinjura Anne DEMELENNE

Nhar it-22 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

(COM(2015) 692 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, li kienet inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Marzu 2016.

Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-17 ta’ Marzu 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’201 vot favur, 3 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fil-prinċipju, il-KESE jilqa’ l-istabbiliment ta’ programmi ta’ prijorità ekonomika maħsuba biex jistimolaw it-tkabbir fil-pajjiżi taż-żona tal-euro fil-bidu tas-Semestru Ewropew. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li s-soċjetà ċivili u b’mod partikolari l-imsieħba soċjali ma ġewx ikkonsultati la fit-tfassil u lanqas fil-proċessi nazzjonali tas-Semestru Ewropew.

1.2.

Il-KESE jemmen li, permezz ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, id-distakk eżistenti bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro u l-Istati Membri l-oħrajn taħt l-ebda ċirkostanza ma għandu jiġi estiż, iżda għandu jitnaqqas. B’mod partikolari, l-għan huwa li nħarsu fit-tul sabiex niżviluppaw l-euro biex issir il-munita komuni tal-Istati Membri kollha.

1.3.

Il-KESE jagħraf l-importanza tad-dokument tal-Kummissjoni għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Kif innutat f’opinjonijiet preċedenti (1), il-Kumitat huwa ferm favur it-tisħiħ u l-ikkompletar tal-UEM. L-Istati Membri, permezz ta’ azzjoni individwali jew flimkien, għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw aktar konverġenza u integrazzjoni, speċjlament fil-qasam ekonomiku. Dan għandu jsir f’mod parallel ma’ progress biex jiġu stabbiliti unjoni fiskali għaż-żona tal-euro (inkluż baġit apposta), unjoni soċjali, u rappreżentanza esterna unifikata fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali

1.4.

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa politika li ż-żona tal-euro tingħata bażi istituzzjonali u politika soda, ħaġa li sa issa ma saritx minn mindu ġiet stabbilita l-unjoni monetarja (2). Inizjattivi individwali, bħall-ħolqien ta’ unjoni bankarja jew Unjoni tas-Swieq Kapitali, għandhom jintlaqgħu b’sodifazzjoni, iżda ma għandhomx jieħdu post l-arkitettura robusta li hija meħtieġa.

1.5.

Jista’ jiġi nnotat ukoll li l-programmi ta’ investiment riċenti fl-inizjattivi qawwija favur l-impjiegi baqgħu ma laħqux l-għanijiet tagħhom biżżejjed. Għall-irkupru tat-tkabbir u tal-impjiegi, hija meħtieġa taħlita ta’ politiki finanzjarji, fiskali, baġitarji, ekonomiċi u soċjali. B’kuntrast għar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, l-enfasi tal-politika fiskali għandha titfassal sabiex tkun aktar ta’ espansjoni milli newtrali.

1.6.

Il-KESE jemmen li pożizzjoni fiskali newtrali, għalkemm hija ppreferuta minn awsterità fiskali kontinwa, mhijiex adatta fiċ-ċirkostanzi attwali. Fid-dawl tal-fatt li r-reċessjoni twassal għal potenzjal ta’ tkabbir aktar baxx, il-politiki fiskali fiż-żona tal-euro għandhom jagħmlu aktar mis-soltu sabiex jistimolaw l-ekonomija taż-żona tal-euro inġenerali. F’dan il-punt, ir-riskji minn tkabbir ekonomiku eċċessiv u mhux sostenibbli huma ferm aktar baxxi mir-riskji minn deflazzjoni jew inflazzjoni baxxa kontinwi. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda stimolu fiskali li jkun jiffoka fuq l-investiment pubbliku: dan joħloq domanda akbar fi żmien qasir, iżda jespandi wkoll il-potenzjal tat-tkabbir fit-tul.

1.7.

Barra dan, il-KESE jaqbel ma’ tnaqqis tat-taxxa fuq ix-xogħol sakemm il-vijabbiltà finanzjarja tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, li diġà huma dgħajfa, ma tiġix mhedda. Il-Kumitat ifakkar li s-sistemi moderni ta’ protezzjoni soċjali għandhom jibbażaw fuq il-prinċipji tas-solidarjetà u tal-opportunitajiet indaqs, u mhux biss fuq il-promozzjoni tal-impjegabbiltà. Barra minn hekk, fil-livell baġitarju, għandha tittieħed kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi tar-robotika u d-diġitalizzazzjoni, li joħolqu taqlib fis-suq tax-xogħol, aktarx b’impatt fuq id-dħul mit-taxxa.

1.8.

Il-KESE jinnota bi pjaċir li l-aspett tal-flessibbiltà ġie rieżaminat, iżda il-kuntratti temporanji għandhom idealment iwasslu għal kuntratti permanenti, u mhux għal impjieg prekarju. Għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi soċjali li qed jiżdiedu, hemm bżonn li jinħolqu l-impjiegi u li ssir enfasi fuq il-kwalità tax-xogħol. Fl-istess ħin, il-potenzjal tal-ekonomija kollaborattiva għandu jiġi sfruttat u mhux ipperikolat; għandhom jiġu introdotti forom ġodda ta’ impjieg u ta’ xogħol għall-benefiċċju tas-soċjetà, mingħajr ma jiddgħajfu d-drittijiet tal-ħaddiema u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali.

1.9.

Matul l-aħħar tmien snin, it-tkabbir fiż-żona tal-euro kien qed isofri minħabba domanda dgħajfa u mhux minħabba provvista baxxa. L-aġġustament tas-suq tax-xogħol kien żbilanċjat u asimmetriku, billi sar l-aktar permezz ta’ pagi reali u nominali aktar baxxi u kostijiet tal-unità lavorattiva fl-Istati Membri li l-agħar li ntlatu mill-kriżi. Għalhekk, il-KESE jikkonkludi li r-riformi strutturali waħedhom, li għandhom l-għan li jtejbu l-lat tal-provvista tal-ekonomiji u b’hekk jistimolaw l-investiment u t-tkabbir, ma jistgħux ikunu r-risposta għall-problema ta’ rkupru dgħajjef. Għall-inqas, għandhom jiġu prijoritizzati r-riformi strutturali li jista’ jkollhom effetti pożittivi fuq id-domanda fi żmien qasir u saħansitra taħt restrizzjonijiet ta’ kreditu għall-familji u l-intrapriżi.

1.10.

Il-KESE jappella wkoll għal sforz ikkoordinat sabiex jinħoloq ambjent li jiffavorixxi aktar in-negozju għal intrapriżi żgħar u medji (99 % tal-kumpaniji fl-UE u madwar 60 % tal-ħaddiema, jew madwar 65 miljun persuna) permezz ta’ regolamentazzjoni aħjar u tnaqqis konsistenti tal-burokrazija, u l-iżgurar ta’ finanzjament suffiċjenti u adatt (“Aċċess għall-Finanzi”) (3) kif ukoll faċilitazzjoni sistematika tal-esportazzjonijiet lejn swieq barra mill-Unjoni Ewropea. Dan jiġġenera interess kummerċjali għal investiment fit-tkabbir u fl-impjiegi.

1.11.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi għall-iffinanzjar tal-SMEs fi ħdan l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Madankollu, hemm ħtieġa partikolari li jinfetħu opportunitajiet ta’ finanzjament ġodda għall-mikrointrapriżi u l-istart-ups, bħal kapital inizjali (seed capital), kapital ta’ riskju (venture capital), investiment u finanzjament kollettiv (crowd investing and financing) u forom innovattivi bħal ekwità privata. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq fond ta’ kapital ta’ riskju tal-UE, skont pjan. Jeħtieġ li ssir evalwazzjoni urġenti sabiex niskopru l-opportunitajiet li jistgħu joffru il-mudelli ġodda tal-banek Iżlamiċi (4) għall-finanzjament korporattiv fl-UE.

2.   Kuntest

2.1.

Wara r-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, hemm approċċ imġedded fi ħdan is-Semestru Ewropew sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni bejn iż-żona tal-euro u l-livelli nazzjonali. Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni qed tippubblika rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro f’Novembru, flimkien mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2016, għal integrazzjoni aħjar taż-żona tal-euro u d-dimensjonijiet nazzjonali tal-governanza ekonomika tal-UE.

2.2.

L-għan huwa li tingħata opportunità għal diskussjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar iż-żona tal-euro, qabel isiru d-diskussjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, sabiex b’hekk l-isfidi komuni jkunu riflessi b’mod sħiħ fl-azzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Din hija bidla importanti miċ-ċikli tas-semestru preċedenti, meta r-rakkomandazzjonijiet dwar iż-żona tal-euro waslu lejn l-aħħar tas-semestru, fl-istess żmien tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

2.3.

Il-Kummissjoni ppreżentat erba’ rakkomandazzjonijiet dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro:

jiġu segwiti politiki li jappoġġjaw l-irkupru, irawmu l-konverġenza, jiffaċilitaw il-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi u jtejbu l-kapaċità tal-aġġustament,

jiġu implimentati riformi li jikkombinaw kuntratti tax-xogħol flessibbli u affidabbli, strateġiji komprensivi għat-tagħlim tul il-ħajja, politiki effettivi maħsuba biex jgħinu lill-persuni qiegħda jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, sistemi moderni ta’ protezzjoni soċjali u swieq miftuħa u kompetittivi tal-prodotti u tas-servizzi. Jitnaqqas il-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol, b’mod partikolari fuq dawk li jaqilgħu paga baxxa, b’mod newtrali fuq il-baġit, bil-għan li jitrawwem il-ħolqien tal-impjiegi,

tinżamm il-pożizzjoni fiskali ġeneralment newtrali ppjanata għall-2016. Bi tħejjija għall-2017, jitnaqqas id-dejn pubbliku sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid il-bafers fiskali filwaqt li tiġi evitata l-proċikliċità, b’rispett sħiħ lejn il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u

jiġi ffaċilitat it-tnaqqis gradwali tas-self improduttiv tal-banek u jittejbu l-proċedimenti ta’ insolvenza għan-negozji u għall-familji.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Għall-ewwel darba, l-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet taż-żona tal-euro qed jiġu ppubblikati fil-bidu taċ-ċiklu tas-semestru Ewropew flimkien mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT), ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija (AMR) u l-abbozz ta’ Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi. Il-KESE jaqbel li dan il-proċess ġdid jista’ jgħin sabiex jitqiesu aħjar il-kunsiderazzjonijiet taż-żona tal-euro kollha fit-tfassil tal-politiki nazzjonali ppreżentati fil-Programmi ta’ Stabbiltà u fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali.

3.2.

Il-KESE jiddispjaċih li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fil-biċċa l-kbira ma ġewx ikkonsultati dwar it-tfassil tal-abbozz tar-rakkomandazzjonijiet ekonomiċi taż-żona tal-euro u li l-proċessi nazzjonali għadhom mhux aġġustati għal dan il-proċess ġdid tas-semestru. Fil-qafas tas-Semestru tal-UE, id-djalogu soċjali jista’ jkun il-forza li tixpruna riformi ekonomiċi, tal-impjieg u soċjali li jirnexxu, u jkunu sostenibbli u inklużivi. L-imsieħba soċjali fil-livelli kollha għandhom jaslu fi ftehom mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti dwar involviment reali, f’waqtu u rilevanti fis-Semestru Ewropew. Barra da, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwi kooperazzjoni kontinwa u mill-qrib bejn is-Sezzjoni ECO tal-KESE u l-Kumitat ECON tal-PE fil-futur.

3.3.

Il-KESE jappoġġja l-enfasi fuq approċċ ikkoordinat mill-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, iżda anke fil-politiki monetarji, fiskali u mil-lat strutturali/tal-provvista. Barra minn hekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-enfasi tar-riformi strutturali għandha tkun fuq il-miżuri politiċi, sabiex b’hekk ikun jista’ jiġi appoġġjat l-irkupru ekonomiku fi żmien qasir. Rigward il-flessibbiltà tas-swieq tax-xogħol, din ma għandhiex tirriżulta, bħal fis-snin preċedenti, f’telf ta’ kapaċità tal-akkwist fil-forza tax-xogħol, u b’hekk ma tkun mhedda d-domanda domestika bħala xprun ewlieni tat-tkabbir. Dan ifisser li l-kompetizzjoni għandha titmexxa minn kwalità akbar u tkabbir tal-produttività permezz tal-innovazzjoni u mhux permezz ta’ prezzijiet u pagi baxxi.

3.4.

Għalkemm il-KESE jirrikonoxxi l-isfidi enormi tat-tisħiħ u l-iżvilupp ulterjuri tal-euro li huma meħtieġa f’dan iż-żmien u li ser ikunu meħtieġa fil-futur qrib sabiex jipprovdu protezzjoni dejjiema għall-euro u għaż-żona tal-euro, huwa jemmen li l-objettivi li ġejjin huma mixtieqa:

Tiġi stabbilita rappreżentanza esterna unifikata għaż-żona tal-euro fil-fora internazzjonali (Fond Monetarju Internazzjonali, OECDF, eċċ.). (5),

It-twaqqif ta’ unjoni fiskali tal-euro,

It-twaqqif ta’ unjoni soċjali, li jfisser li l-imsieħba soċjali għandhom jiġu inklużi saħansitra aktar mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Parlament fl-inizjattivi leġislattivi kollha.

3.5.

Fid-dawl tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 u fit-tħejjija tal-analiżi dwar il-QFP wara l-2020, il-KESE jissuġġerixxi li ż-żona tal-euro għandu jkollha baġit apposta li għandu: (1) jipprovdi trasferiment, temporanju iżda sinifikanti, ta’ riżorsi f’każ ta’ skossi reġjonali; (2) jimmitiga reċessjonijiet severi fiż-żona inġenerali; (3) jiżgura stabbiltà finanzjarja. Bl-istess argument, iż-żona tal-euro għandu jkollha – bħala l-ewwel pass lejn governanza ekonomika – il-Ministru tal-finanzi proprju tagħha b’riżorsi proprja apposta skont il-prinċipju tas-sempliċità, it-trasparenza, l-ekwità u l-kontabilità demokratika

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    Żbilanċi makroekonomiċi

4.1.1.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li r-riformi strutturali fl-Istati Membri għandhom jissoktaw skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-pajjiżi, sabiex titrawwem il-konverġenza u tiġi faċilitata l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Madankollu, għandu jkun hemm bilanċ bejn ir-riformi strutturali u l-investiment f’attivitajiet produttivi li jwasslu għall-ħolqien ta’ impjiegi.

4.1.2.

Il-KESE jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-Istati Membri b’eċċessi kbar fil-kontijiet kurrenti għandhom jimplimentaw, bħala prijorità, miżuri li jgħinu sabiex jidderieġu t-tfaddil eċċessiv lejn l-ekonomija domestika u b’hekk jagħtu spinta lill-investiment domestiku. Madankollu, dawn il-miżuri ma għandhomx ikunu limitati għan-naħa tal-provvista (pereżempju, ir-riformi fis-swieq tal-prodotti), iżda għandhom jinkludu wkoll inizjattivi governattivi aktar deċiżivi fuq l-aspett tal-investiment pubbliku, bħall-pjan attwali ta’ Juncker (6).

4.1.3.

Il-KESE jemmen li s-sussidji tal-Istat għandhom jiġu allinjati, b’mod partikolari, mal-SMEs innovattivi. Sabiex din il-kategorija ta’ intrapriża tiġi pprovduta b’aċċess aktar faċli għall-finanzi, hija r-responsabbiltà tal-Istat, fuq naħa waħda, li jagħti finanzjament li jipprovdi impuls u, fuq in-naħa l-oħra, li jipprovdi sistema ta’ garanziji pubbliċi. L-interazzjoni rilevanti bejn l-Istat, l-SMEs u l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka hija element importanti tas-sistema ta’ investiment.

4.1.4.

Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-esportazzjonijiet jirrappreżentaw xprun ta’ tkabbir ewlieni għall-SMEs fiż-żona tal-euro. Minbarra r-rata tal-kambju favorevoli bejn l-euro u d-dollaru kkawżata mill-politika monetarja tal-BĊE, il-Ftehimiet dwar il-Kummerċ Ħieles huma essenzjali sabiex jiżdiedu l-esportazzjonijiet. Għalkemm il-KESE jappoġġja l-enfasi attwali fuq in-negozjar tat-TTIP, bl-istess mod huwa jirrakkomanda wkoll li jiġi konkluż ftehim li jiffaċilita l-aċċess għas-suq tal-kumpaniji Ewropej fil-kummerċ tagħhom ma’ swieq emerġenti bi tkabbir għoli. Huwa importanti li jiġu garantit il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tal-ILO, id-drittijiet tal-konsumaturi u l-istandards ambjentali fis-seħħ fi ħdan l-UE.

4.2.    Is-swieq tax-xogħol, tal-prodotti u tas-servizzi

4.2.1.

Il-KESE jinnota li għalkemm, kif tirrapporta l-Kummissjoni Ewropea, is-swieq tax-xogħol qed ikomplu jitjiebu b’mod gradwali, ma ssir ebda referenza għall-fatt li r-rata tal-impjieg fiż-żona tal-euro ta’ 68,9 % fl-2015 għadha ferm inqas mill-mira ewlenija ta’ 75 % tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jinnota li skont l-evidenza mogħtija mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea (database ta’ LABREF), ma jidhirx li hemm relazzjoni pożittiva bejn l-għadd ta’ riformi fis-suq tax-xogħol implimentati fi kwalunkwe stadju (qabel jew wara l-kriżi) u l-prestazzjoni tal-Istati Membri fis-suq tax-xogħol (7).

4.2.2.

Ir-riformi strutturali fis-swieq tax-xogħol għandhom jiffavorixxu l-investiment soċjali, jiġifieri miżuri li jappoġġjaw it-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema impjegati u dawk qiegħda, u jiżguraw li tiġi promossa s-sigurtà finanzjarja tagħhom, b’mod partikolari tal-persuni qiegħda. Barra dan, il-KESE jappoġġja t-tnaqqis tat-taxxa fuq ix-xogħol, sakemm jiġi kkumpensat minn sorsi oħra ta’ dħul pubbliku. Fiż-żmien medju, il-parteċipazzjoni ogħla fis-suq tax-xogħol tista’ tikkontribwixxi wkoll għal dan il-proċess.

4.2.3.

Bil-għan li tissolva l-problema tas-sostenibbiltà u tal-kompetittività Ewropea, il-KESE jirrakkomanda t-twaqqif ta’ Parteċipazzjoni Diġitali skont il-mudell tal-Grupp Airbus li rnexxa ħafna. Din il-kooperazzjoni multinazzjonali tinkludi diversi sussidjarji minn Stati Membri tal-UE differenti u hija attur ewlieni fl-ekonomija u l-industrija Ewropea.

4.2.4.

Id-dominanza diġitali tal-Istati Uniti diġà tirrappreżenta forma ġdida ta’ dominanza globali. Jistgħu jiġu osservati effetti partikolarment drammatiċi fis-settur finanzjarju, fejn il-banek Amerikani kbar tal-investiment diġà ħolqu l-aktar rabtiet kapitali b’saħħithom ma’ FinTechs (teknoloġiji finanzjarji) innovattivi, li min-naħa tagħhom huma ta’ theddida għall-mudell Ewropew tal-banek klassiċi għall-konsumaturi (l-hekk imsejħa “Boring Banks”) u jistgħu jikkompetulhom b’suċċess fil-funzjonijiet ewlenin tagħhom.

4.2.5.

Bil-għan li jiġu ddisinjati u żviluppati d-dettalji ta’ mudell komparabbli ta’ Parteċipazzjoni Diġitali Ewropea, il-KESE jissuġġerixxi l-ħolqien fi żmien qasir ta’ grupp tal-proġett interdixxiplinari. Dan il-grupp għandu jinkludi rappreżentanti tal-Kummissjoni (il-Kummissarju Oettinger) u l-Parlament tal-UE (il-Kumitat ITRE) u jitmexxa bl-involviment tal-KESE. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-finanzjament, huwa importanti li mill-bidu nett tingħata attenzjoni lill-kompatibbiltà mal-Pjan ta’ Investiment ta’ Juncker. Permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Unitajiet tal-Kompetenza tal-Parteċipazzjoni Diġitali u l-SMEs infushom ser jingħata impetu qawwi għat-tkabbir u għal impjiegi ġodda.

4.3.    Politiki fiskali

4.3.1.

Il-KESE jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni Ewropea li tikkunsidra l-pożizzjoni fiskali għaż-żona tal-euro b’mod ġenerali meta tfassal linji gwida għall-politiki fiskali nazzjonali. Madankollu, il-KESE jinnota, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-BĊE, in-nuqqas li jispikka ta’ analiżi tal-iżviluppi fil-politika monetarja fiż-żona tal-euro fil-valutazzjoni tal-adegwatezza ta’ pożizzjoni ta’ politika fiskali newtrali. Din hija sitwazzjoni stramba, meta wieħed iqis li l-membri tal-kunsill governattiv tal-BĊE kienu qegħdin jirreferu ripetutament u pubblikament għall-politiki fiskali taż-żona tal-euro (8).

4.3.2.

Din hija ommissjoni inkwetanti hekk kif iż-żona tal-euro bħalissa tinsab f’sitwazzjoni fejn il-kapaċità tal-politika monetarja biex tistimola d-domanda hija limitata ħafna. Id-domanda ilha dgħajfa għal tant żmien li l-inflazzjoni (anke meta ma jiġux ikkunsidrati l-prezzijiet taż-żejt) hija ferm taħt il-mira ta’ 2 % tal-BĊE, filwaqt li r-rati tal-imgħax tal-politika ewlenija tal-BĊE huma kważi żero, sabiex b’hekk ma jistax isir aktar tnaqqis sostanzjali. L-ekonomija taż-żona tal-euro tinsab fl-hekk imsejħa “nasba ta’ likwidità” u qiegħda f’riskju li tinqabad f’“nasba ta’ deflazzjoni” jekk l-inflazzjoni ma taqbadx ir-ritmu mill-aktar fis. Jekk dan iseħħ, mela allura l-ekonomija taż-żona tal-euro tibqa’ staġnata għal ħafna snin, sitwazzjoni li eventwalment tkun ta’ theddida għall-vijabbiltà politika tal-euro.

4.3.3.

Il-politika mhux konvenzjonali ta’ tnaqqis kwantitattiv segwita sew mill-BĊE mill-bidu tal-2015 ma tidhirx li għamlet differenza konsiderevoli (9) fl-istimolu tad-domanda. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi u fid-dawl tal-preżenza tal-fenomeni ta’ “istereżi” msemmija fuq (fejn ir-reċessjoni twassal għal potenzjal ta’ tkabbir aktar baxx), il-politiki fiskali fiż-żona tal-euro għandhom jagħmlu aktar mis-soltu sabiex jistimolaw l-ekonomija inġenerali taż-żona tal-euro (10). Fid-dawl tal-limitazzjonijiet tal-politika fiskali fl-Istati Membri fin-nofsinhar taż-żona tal-Euro, il-politiki fiskali fl-Istati Membri b’inflazzjoni taħt il-mira, l-ispejjeż baxxi tat-teħid ta’ self pubbliku, il-proporzjonijiet komparattivament baxxi tad-dejn pubbliku/PDG u l-eċċessi fil-kontijiet kurrenti għandhom jespandu sabiex jimbottaw l-inflazzjoni ‘l fuq mill-mira ta’ 2 % tal-BĊE, sabiex b’hekk, bħala medja, l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro tkun tista’ terġa’ taqbad pass mgħaġġel u tilħaq il-mira. F’dan il-punt, ir-riskji minn tkabbir ekonomiku eċċessiv u mhux sostenibbli huma ferm aktar baxxi mir-riskji minn deflazzjoni jew inflazzjoni baxxa kontinwi.

4.3.4.

Madankollu, minħabba t-tħassib dwar is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku, f’kuntest ta’ żviluppi demografiċi, il-politiki fiskali espansjonarji, speċjalment fl-Istati Membri b’eċċessi kbar fil-kontijiet kurrenti, jistgħu u għandhom jespandu billi tiżdied in-nefqa fuq l-investiment pubbliku. Stimolu fiskali li jiffoka fuq l-investiment pubbliku joħloq domanda akbar fi żmien qasir, iżda jespandi wkoll il-potenzjal tat-tkabbir fit-tul. Tali investiment pubbliku jista’ jiffoka mhux biss fuq l-infrastruttura iżda wkoll fuq il-politiki dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet (“investiment soċjali”).

4.4.    Is-settur finanzjarju

4.4.1.

Il-KESE jappella għall-ħolqien ta’ liġi Ewropea dwar l-insolvenza, minn naħa waħda, sabiex tinfetaħ il-possibbiltà ta’ ħelsien mid-dejn għall-familji u, min-naħa l-oħra, sabiex ikun aktar faċli għal startups f’każ ta’ falliment kummerċjali. B’dan il-mod, il-familji ser ikollhom kapaċità tal-akkwist akbar u ser jitħeġġu l-istartups.

4.4.2.

Problema serja li għadha ma ssolvietx hija l-fatt li bħalissa hemm madwar EUR 900 biljun ta’ self improduttiv fil-banek taż-żona tal-euro. Huwa biss permezz tat-tnaqqis ta’ tali self li l-banek ikunu jistgħu jespandu s-self tagħhom għan-negozji u għall-familji, sabiex b’hekk tiżdied l-effettività tal-politika monetarja laxka tal-BĊE bil-għan li jittejbu l-prospetti tat-tkabbir u tissaħħaħ il-fiduċja fis-suq. L-istituzzjonijiet politiċi u regolatorji rilevanti taż-żona tal-euro għandhom jintalbu jippreżentaw kunċetti rilevanti dwar dan is-suġġett.

4.4.3.

Bħala wieħed mill-għanijiet ċentrali b’konsegwenza tal-kriżijiet finanzjarji, kien hemm kunsens sabiex jitnaqqsu b’mod sinifikanti r-riskji sovrani fil-karti bilanċjali tal-banek Ewropej. Is-sitwazzjoni preżenti tal-biċċa l-kbira tal-banek turi li r-riskji sovrani żdiedu b’mod drammatiku. Il-KESE jenfasizza li l-ewwel prijorità għandha tkun li jitnaqqsu dawn ir-riskji sovrani fil-karti bilanċjali sabiex tiġi garantita l-istabbiltà futura tas-settur bankarju u finanzjarju, anke fid-dawl tal-proposta reċenti tal-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (11).

4.4.4.

Il-KESE jinnota li sabiex kwalunkwe effett pożittiv fuq id-domanda jimmaterjalizza, jeħtieġ li l-familji u n-negozji ma jkollhomx likwidità limitata. L-irkupru ta’ flussi ta’ kreditu pożittivi għandu jgħin sabiex titħeġġeġ id-domanda iżda wkoll biex tiżdied l-effettività tal-politika monetarja tal-BĊE fit-titjib tal-prospetti tat-tkabbir u t-tisħiħ tal-fiduċja fis-suq. L-istituzzjonijiet politiċi u regolatorji rilevanti taż-żona tal-euro għandhom jintalbu jippreżentaw kunċetti rilevanti dwar dan is-suġġett.

4.4.5.

Barra minn hekk, il-KESE jitlob li l-aġenda tar-riforma u l-korpi regolatorji jpoġġu aktar enfasi fuq trasparenza akbar u fuq is-superviżjoni ta’ entitajiet mhux bankarji sabiex jiggarantixxu b’mod sostenibbli l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji u jiksbu lura l-funzjoni tagħhom għall-ekonomija reali, b’mod partikolari fil-qasam tat-titolizzazzjoni (12). Għandu jiġi żgurat li t-titoli ma jintużawx bħala strumenti ta’ investiment spekulattiv mill-fondi spekulattivi u mill-istituzzjonijiet finanzjarji li l-għan tagħhom huwa li jimmassimizzaw ir-rendiment (fondi opportunistiċi).

4.4.6.

Peress li l-kriżi finanzjarja kienet fil-parti l-kbira tagħha kkawżata mill-attivitajiet spekulattivi tal-banek ta’ investiment, in-negozju bankarju spekulattiv għadu theddida latenti għall-istabbiltà tas-suq finanzjarju. Għadu ma ġiex eżaminat bir-reqqa kif jistgħu jseħħu l-attivitajiet ta’ kummerċ spekulattiv ħafna, bħal kummerċ ta’ frekwenza għolja, meta l-objettiv huwa li jkun hemm swieq aktar stabbli fid-dinja, u jeħtieġ li l-prattiki ta’ investiment b’riskju baxx u n-negozju tas-self ikunu strettament mifrudin mill-attivitajiet ta’ investiment bankarju b’riskju għoli. Għal dan il-għan, diġà hemm għadd ta’ mudelli bħall-mudell Vickers u r-Regola Volcker. Il-KESE jirrakkomanda t-twaqqif ta’ Att Glass-Steagall fl-Unjoni Ewropea, hekk kif swieq finanzjari oħrajn (bħall-Istati Uniti u l-pajjiżi BRICS) qed jiddiskutu li jerġgħu jintroduċuh sabiex itejbu l-istabbiltà tas-settur bankarju. Dan jevita r-riskji għal min ifaddal u min iħallas it-taxxa.

Brussell, is-17 ta’ Marzu 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE dwar “L-ikkompletar tal-UEM – il-leġislatura Ewropea li jmiss” (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10) u dwar “L-ikkompletar tal-UEM: il-pilastru politiku”(ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8).

(2)  Idem.

(3)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Pjan ta’ Azzjoni dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali” (ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17).

(4)  Ara pereżempju l-kummenti fl-opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar “Strutturi ta’ finanzjament għall-SMEs fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja attwali” (ĠU C 48, 15.2.2011, p. 33) u dwar “Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs” (ĠU C 351,15.11.2012, p. 45) rigward il-finanzi Iżlamiċi.

(5)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro” (ara l-paġna 16 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  OFCE, ECLM, IMK, AK-Wien, INE-GSEE (2015), L-Istħarriġ Annwali Indipendenti dwar it-Tkabbir 2016, Pariġi.

(7)  ETUI/ETUC (2015), Benchmarking Working Europe 2015, Brussell, ETUI, p. 26.

(8)  L-aktar eżempju prominenti kien id-diskors “Unemployment in the Euro area” (“Il-qgħad fiż-żona tal-Euro”) mill-President Draghi f’Jackson Hole f’Awwissu 2014 (https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2014/html/sp140822.en.html)

(9)  http://epthinktank.eu/2015/12/10/the-ecbs-quantitative-easing-early-results-and-possible-risks/

(10)  Theodoropoulou S. (2015), How to avert the risk of deflation in Europe: rethinking the policy mix and European economic governance, Brussell ETUI.

(11)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti” (ara l-paġna 21 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(12)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Qafas legali għat-titolizzazzjoni” (ĠU C 82, 3.3.2016, p. 1).


18.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013”

[COM(2015) 701 final – 2015/0263 (COD)]

(2016/C 177/08)

Relatur:

is-Sur Ioannis VARDAKASTANIS

Nhar it-2 ta’ Diċembru 2015 u nhar l-20 ta’ Jannar 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 175(3) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013”

[COM(2015) 701 final – 2015/0263 (COD)].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Marzu 2016.

Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-16 ta’ Marzu 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’153 vot favur, u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva maħsuba biex issaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni Ewropea (UE) biex tappoġġa r-riforma strutturali fuq livell nazzjonali permezz ta’ mekkaniżmu speċifiku ta’ finanzjament bħall-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP).

1.2

Il-KESE jiddispjaċih li l-baġit totali allokat għal dan il-fond huwa ferm inqas minn dak meħtieġ għar-riformi ta’ politika makroekonomika fl-UE; jiddispjaċih ukoll li l-finanzjament għall-SRSP jiġi minn riżorsi eżistenti tal-FSIE (Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej), u jappella biex jinstab bilanċ bejn il-ħtiġijiet finanzjarji fil-qasam tal-għajnuna teknika fil-FSIE u l-ħtiġijiet finanxjarji fil-qasam tal-appoġġ tekniku għall-SRSP. Il-KESE jappella għal riformi futuri tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE sabiex jinħoloq programm ta’ appoġġ għal riformi strutturali li jsostni lilu nnifsu.

1.3

Sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-SRSP, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu ggarantiti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għar-riformi strutturali li jappartjenu għall-SRSP huma kkunsidrati taħt il-“klawsola ta’ riforma strutturali” tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir;

l-SRSP jibqa’ volontarju għall-Istati Membri u ma jinvolvix proċeduri obbligatorji u li jitfgħu stigma;

punti fokali ċentrali huma magħżula sabiex jiżguraw il-kumplimentarjetà bejn il-programmi u l-fondi u użu aħjar tal-fondi biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet.

1.4

Il-KESE jappella b’mod qawwi għall-inklużjoni tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fl-SRSP, biex b’hekk jiġi żgurat:

li l-proċess ta’ identifikazzjoni u tnedija tal-appoġġ jinkludi konsultazzjoni usa’ tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili, f’konformità mar-regolamenti nazzjonali;

l-inkorporazzjoni ta’ dispożizzjonijiet aktar strinġenti li jesiġu li l-imsieħba soċjali u ċivili jiġu inklużi fid-disinn u l-monitoraġġ tal-programmi ta’ riforma tal-politika fil-livelli kollha: nazzjonali, reġjonali u lokali;

li l-azzjonijiet eliġibbli jkunu jinkludu l-bini tal-kapaċità għall-atturi soċjali u tas-soċjetà ċivili involuti fi programmi ta’ riforma tal-politika.

1.5

Il-KESE jenfasizza li, fuq il-bażi tal-qsim tal-poteri u l-kompetenzi fis-seħħ f’kull Stat Membru kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi ta’ spiss indirizzati lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-programm għandu jkun aċċessibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u dawn tal-aħħar għandhom ikunu involuti direttament fid-disinn tal-proġett ta’ riforma strutturali inkwistjoni.

1.6

Il-KESE jiddispjaċih li l-lista ta’ indikaturi tidher insuffiċjenti, u dan jirrikjedi kemm l-aġġornament kif ukoll l-inkorporazzjoni tal-indikaturi eżistenti mill-FSIE.

1.7

Il-KESE jenfasizza li l-Istati Membri jistgħu jestendu l-“objettivi speċifiċi u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-programm” għal oqsma ta’ politika oħrajn bħall-ġlieda kontra l-faqar, id-drittijiet tal-bniedem, il-politiki tat-trasport, l-ICT u l-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli.

1.8

Il-KESE jemmen li l-SRSP għandu juża l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ li jeżistu attwalment għall-FSIE, sabiex tkun żgurata kwalità għolja ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, koordinazzjoni aħjar mal-FSIE u l-aħjar valur għall-flus mill-mekkaniżmi ta’ kontroll diġà fis-seħħ.

1.9

Għal dan il-għan, il-KESE jappoġġja l-emendi għar-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013 kif proposti mill-Kummissjoni Ewropea, sakemm dawn jinkludu dispożizzjoni li tiżgura li l-fondi trasferiti lejn il-programm il-ġdid jikkonforma ma’ rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni għall-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili u li huma soġġetti għall-istess mekkaniżmu ta’ monitoraġġ bħal fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni tal-FSIE (CPR).

1.10

Il-KESE huwa tal-fehma li filwaqt li huma utli, tali miżuri ta’ appoġġ minuri jistgħu biss ikunu paljattivi. Sabiex issolvi l-problemi ġġenerati mill-kriżi attwali, il-Kummissjoni u l-gvernijiet nazzjonali għandhom jirrevedu l-politika ekonomika fis-seħħ fiż-żona tal-euro minn mindu bdiet il-kriżi. Dan huwa l-uniku mod biex jiġu ffaċilitati r-riformi strutturali, tiġi evitata l-ħsara li saret s’issa u li l-Ewropej iduru “kontra” l-UE.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea tista’ żżid valur mar-riformi tal-politika mwettqa fil-livell nazzjonali u, għalhekk, jilqa’ l-inizjattiva li għandha ssaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jappoġġja r-riforma tal-politika marbuta mal-implimentazzjoni tal-proċessi ta’ governanza ekonomika (b’mod partikolari r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż), il-programmi ta’ aġġustament ekonomiku u r-riformi mwettqa mill-Istati Membri fuq l-inizjattiva tagħhom stess kif speċifikat fl-Artikolu 3 tal-proposta attwali.

2.2

Il-KESE jemmen li l-programmi ta’ appoġġ għall-Greċja (it-Task Force għall-Greċja) u għal Ċipru (il-Grupp ta’ Appoġġ għal Ċipru) urew li kienu utli għall-pajjiżi fil-mira u li l-ftuħ tal-possibbiltà li jintalab mekkaniżmu ta’ appoġġ bħal dan għall-Istati Membri kollha għandu jsaħħaħ il-kapaċità globali għal riformi istituzzjonali, strutturali u amministrattivi.

2.3

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li fl-imgħoddi tnaqqset il-kapaċità tal-UE li tappoġġja l-għajnuna teknika għar-riforma ta’ poltika. Il-konsegwenza kienet li l-UE ma kellhiex il-ħila li tittratta malajr biżżejjed ma’ sitwazzjonijiet li jeħtieġu riforma ta’ politika fi żminijiet ta’ kriżi, u b’riżultat ta’ dan, kien hemm organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn li saru attivi u ħadu r-riedni f’idejhom.

2.4

Il-KESE jiddispjaċih ukoll li l-programm propost attwali huwa ffinanzjat mill-fondi tal-UE eżistenti minflok jinħoloq programm li jappoġġja lilu nnifsu, li m’għandux inaqqas fondi oħrajn li jiffokaw fuq riformi strutturali. Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-inizjattiva SRSP kif ippjanata ma kellhiex il-kapaċità tilħaq mad-domanda mill-Istati Membri għal appoġġ tekniku minħabba l-limitazzjonijiet finanzjarji tagħha.

2.5

Il-KESE jirrimarka li dan il-programm ta’ assistenza teknika ma jistax u m’għandux jiġi sovravalutat, u li għandu jiġi kkunsidrat bħala mezz biex jgħin lill-Istati Membri jiksbu bilanċ makroekonomiku taħt il-proċess tas-Semestru. Il-finanzjament huwa insuffiċjenti biex jipprovdi impetu reali għall-isfidi makroekonomiċi li jiffaċċjaw l-Istati Membri li qed jistinkaw għal konverġenza.

2.6

Il-KESE jenfasizza wkoll li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għar-riformi strutturali li jappartjenu għall-SRSP għandhom jiġu kkunsidrati taħt il-“klawsola ta’ riforma strutturali” tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir bħala mezz favur it-tkabbir, il-ġlieda kontra l-faqar, il-ġlieda kontra l-qgħad u biex iġġib prosperità.

2.7

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa importanti li tinbidel l-attitudini lejn ir-riformi strutturali sabiex jiġu evitati l-istigma jew il-kastig, u jiġi evitat li joħolqu nassa burokratika. L-approċċ il-ġdid għandu jħeġġeġ ir-riformi u l-fehim bejn pajjiżi; il-KESE għalhekk huwa kuntent jara li l-programm jinkorpora approċċ pożittiv u jenfasizza n-natura volontarja tal-mekkaniżmu bħala mezz kif jiġi żgurat li l-programm ma jintużax u/jew jitqiesx bħala strument ta’ kontroll jew sabiex jiġu evitati r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet nazzjonali fil-programmi ta’ riforma tagħhom. Madankollu, dan jenfasizza l-ħtieġa biex il-pajjiżi jintalbu jżommu rekord tal-appoġġ u s-suċċess tal-programm permezz ta’ proċessi ta’ rappurtaġġ sodi, demokratiċi u responsabbli.

2.8

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP) tnieda wara talba minn Stat Membru, iżda jenfasizza l-ħtieġa li l-proċess ta’ identifikazzjoni u bidu tal-appoġġ jinkludi konsultazzjoni usa’ tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili, b’konformità mar-regolamenti nazzjonali.

2.9

Il-KESE jenfasizza li, fuq il-bażi tal-qsim tal-poteri u l-kompetenzi fis-seħħ f’kull Stat Membru kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi ta’ spiss indirizzati lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-programm għandu jkun aċċessibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Barra minn hekk, il-KESE jitlob mill-Kummissjoni li tivverifika li meta talbiet għal assistenza teknika mressqa mill-awtoritajiet nazzjonali jirrigwardaw l-oqsma ta’ kompetenza tal-awtoritajiet reġjonali jew lokali, dawn tal-aħħar ikunu involuti direttament fid-disinn tal-proġett ta’ riforma strutturali inkwistjoni u jivvalidawh.

2.10

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll l-approċċ proattiv tal-SRSP, li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ għall-Istati Membri kollha, irrispettivament mis-sitwazzjoni ekonomika tagħhom u, għalhekk, jenfasizza l-fatt li l-programm jeħtieġ li jitqies bħala mekkaniżmu għal appoġġ strutturali fit-tul u mhux biss bħala rispons għal tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u/jew finanzjarju.

2.11

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-Artikolu 5 “Objettivi speċifiċi u kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm” jinżamm bħala lista mhux eżawrjenti sabiex tinżamm il-flessibbiltà meħtieġa bil-għan li jiġu indirizzati r-riformi tal-politika. Il-KESE jemmen li l-lista proposta hija pjuttost komprensiva, iżda jissuġġerixxi li l-lista tiġi estiża għal oqsma ta’ politika oħrajn bħall-ġlieda kontra l-faqar, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-politiki tat-trasport, l-ICT u l-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli mill-Istati Membri.

2.12

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li t-tfassil tal-politika fl-Unjoni Ewropea għandu jsir bil-parteċipazzjoni attiva tal-pubbliku ġenerali, bħala “sħubija li tinvolvi lill-imsieħba kollha kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni (RDK) fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ex post tal-proġetti li jsiru fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE tikkontribwixxi direttament għas-suċċess tagħha” tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE). Għalhekk, il-KESE jemmen li l-SRSP il-ġdid għandu jinkorpora dispożizzjonijiet aktar strinġenti sabiex l-imsieħba soċjali u ċivili jiġu inklużi fid-disinn tal-programmi tal-politika ta’ riforma fil-livelli kollha: nazzjonali, reġjonali u lokali. Dan għandu jgħin sabiex jitnaqqas id-distakk bejn dawk li jfasslu l-politika u l-pubbliku.

2.13

Il-KESE jemmen li l-SRSP jista’ juża l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ li jeżistu attwalment għall-FSIE; dan jista’ jiżgura kwalità ogħla ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, koordinazzjoni aħjar mal-FSIE u l-aħjar valur għall-flus mill-mekkaniżmi ta’ kontroll diġà fis-seħħ.

2.14

Il-KESE jemmen li l-SRSP għandu jiġi implimentat b’konformità mar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni tal-FSIE (għajr l-Artikoli 25, 58 u 91) li jipprovdi struttura ta’ appoġġ żviluppata aktar mill-programm propost attwali.

2.15

Il-KESE jirrakkomanda li l-azzjonijiet eliġibbli (Artikolu 6) ikunu jinkludu l-bini tal-kapaċità għall-atturi soċjali u tas-soċjetà ċivili involuti fi programmi ta’ riforma tal-politika.

2.16

Il-KESE huwa ħerqan li jiżgura li l-pakketti baġitarji ġodda, iffinanzjati mill-FSIE, jilħqu bilanċ bejn il-ħtiġijiet finanzjarji fil-qasam tal-assistenza teknika fil-FSIE u l-ħtiġijiet finanzjarji fil-qasam tal-appoġġ tekniku għall-SRSP, sabiex tiġi żgurata l-kapaċità tal-assistenza teknika xierqa għaż-żewġ fondi.

2.17

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-approċċ trasversali meħud mill-SRSP sabiex jappoġġja r-riformi, iżda jitlob lill-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jevitaw id-duplikazzjoni ma’ programmi speċifiċi għas-settur. Għalhekk, il-KESE jemmen li jeħtieġ li jiġu nnominati punti fokali ċentrali sabiex jiżguraw kumplimentarjetajiet bejn il-programmi u l-fondi u użu aħjar tal-fondi sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni. L-Artikolu 13 għandu jittejjeb sabiex jinkorpora aktar elementi fil-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni.

2.18

Il-KESE huwa ħerqan sabiex jirċievi aktar tagħrif fil-ġejjieni dwar il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni li ser jinħolqu għal dan il-fond.

2.19

Il-KESE jiddispjaċih li l-lista ta’ indikaturi tidher li mhijiex suffiċjenti u jenfasizza l-importanza ta’ indikaturi xierqa għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm, iżda jirrimarka li l-FSIE jinkludi lista estensiva ta’ indikaturi li jistgħu jikkumplimentaw lil dawk proposti mill-SRSP. Hemm il-ħtieġa li jiġu aġġornati l-indikaturi tal-UE li jkejlu l-impatt tar-riformi sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ suċċess, li jorbothom ma’ kuntest ta’ progress ekonomiku u soċjali. L-indikaturi għandhom jirriflettu wkoll jekk l-impatt jibqa’ nazzjonali jew iġib valur miżjud Ewropew reali.

2.20

Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjoni biex ir-rata ta’ kofinanzjament titla’ għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli, billi din se tiffaċilita l-aċċess tal-Istati Membri għall-programm.

2.21

Il-KESE jemmen li l-SRSP huwa l-pass inizjali li jeħtieġ li jiġi kkonsolidat u msaħħaħ fir-riformi futuri tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE sabiex jinħoloq programm li jappoġġja lilu nnifsu mingħajr ebda ħtieġa li jdgħajjef il-pakketti baġitarji ta’ fondi eżistenti oħrajn ta’ appoġġ mill-UE.

2.22

Għal dan il-għan, il-KESE jappoġġja l-emendi għar-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013 kif proposti mill-Kummissjoni Ewropea, u jħeġġiġha bil-qawwa biex taċċetta l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet inklużi f’din l-Opinjoni.

2.23

Madankollu, il-KESE jipproponi li r-Regolamenti emendati għandhom jipprevedu li l-fondi trasferiti għal programmi ġodda jikkonformaw mar-rekwiżiti parteċipattivi u jkunu soġġetti għall-istess mekkaniżmu ta’ monitoraġġ bħall-FSIE. Dan għandu jiġi rifless b’mod ugwali fir-Regolament propost tal-SRSP, u t-test attwali emendat għandu jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi u referenzi għas-sistema ta’ monitoraġġ tal-CPR tal-FSIE.

Brussell, is-16 ta’ Marzu 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


18.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – L-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà: pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra t-traffikar u l-użu illeċitu tal-armi tan-nar u l-isplussivi”

(COM(2015) 624 final)

u

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-glieda kontra t-terroriżmu u s-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu”

(COM(2015) 625 final – 2015/0281(COD))

(2016/C 177/09)

Relatur:

is-Sur Cristian PÎRVULESCU

Nhar it-22 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – L-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà: pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra t-traffikar u l-użu illeċitu tal-armi tan-nar u l-isplussivi

(COM(2015) 624 final)

u

l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-glieda kontra t-terroriżmu u s-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

(COM(2015) 625 final – 2015/0281 (COD)).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Frar 2016.

Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-17 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’145-il vot favur, l-ebda vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiġbru flimkien ir-riżorsi tagħhom kemm għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi u l-munizzjon kif ukoll għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-intensifikazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali, madankollu, tista’ toħloq effett kumulattiv u impatt globalment negattiv fuq id-drittijiet fundamentali. B’hekk inevitabbilment l-Unjoni tkun qed tonqos mill-missjoni fundamentali tagħha.

1.2.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis li l-proposta għal Direttiva u l-Komunikazzjoni attwali huma meħtieġa biex tinbena Ewropa aktar sikura għal dawk kollha li jgħixu fit-territorju tagħha, peress li l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija kompetenza kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni. Din in-natura konġunta tqajjem il-kwistjoni tal-miżuri obbligatorji potenzjali li d-Direttiva tista’ tipprova timponi fuq l-Istati. Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jagħmlu kull sforz biex jevitaw u jiġġieldu l-forom kollha ta’ kriminalità organizzata, partikolarment it-terroriżmu, tkun xi tkun il-motivazzjoni. Fl-istess ħin, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jikkontribwixxu biex jikkoordinaw u jarmonizzaw l-isforzi meħtieġa biex jiġi limitat it-tixrid ta’ atti ta’ vjolenza bħal dawn.

1.3.

Il-KESE jisħaq b’mod qawwi u jitlob li l-prinċipju tal-proporzjonalità, li b’mod obbligatorju huwa parti intrinsika minn kull stat ta’ dritt, jitħares mill-organi u l-qrati kollha tal-Istat. Biex jiġu evitati interpretazzjonijiet żbaljati jew abbużi tal-miżuri meħtieġa ta’ ħarsien, il-KESE, bi qbil mar-Riżoluzzjoni 1566 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, isostni li l-akkuża tat-terroriżmu tista’ titressaq biss meta l-għan ta’ theddid, ta’ atti mwettqa bil-għan li tiġi kkawżata l-mewt jew korriment fiżiku gravi, ta’ ħtif ta’ ostaġġi jew ta’ ħsara serja ta’ infrastruttura jkun li tinħoloq sitwazzjoni ta’ biża’ kbir, li tiġi intimidata popolazzjoni jew li ssir koerċizzjoni fuq gvern.

1.4.

Dawn il-bidliet leġislattivi huma parti minn sforzi usa’ biex jiġi indirizzat tip ta’ theddid, li, min-natura tiegħu, huwa dannuż għall-pedament tas-sistemi demokratiċi Ewropej, iżda dawn l-isforzi qed jaffaċċjaw diffikultajiet minħabba s-sitwazzjoni politika internazzjonali attwali. It-tixrid tal-biża’, id-diviżjoni tal-opinjoni pubblika, iż-żamma tal-isterjotipi dwar ċerti gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni, id-djgħufija tal-ekwilibriju tal-awatoritajiet pubbliċi u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet awtoritarji għad-detriment ta’ dawk li jiżguraw rappreżentanza demokratika – dawn huma r-riżultati mistennija mill-atti terroristiċi, li jeħtieġ li jiġu miġġielda b’mod determinat u ċar. Il-Kumitat jemmen li l-Ewropej huma intitolati li jgħixu fis-sigurtà iżda wkoll fil-libertà.

1.5.

Il-Kumitat iqis li huwa perikoluż għal kwalunkwe demokrazija jekk il-leġislazzjoni tintroduċi reati b’antiċipazzjoni (il-kriminalizzazzjoni ta’ offiżi jew reati li għadhom ma twettqux). Il-punt (i) tal-Artikolu 3(2) tal-Proposta għandu jitħassar sabiex tiġi evitata l-konfużjoni bejn il-ġustizzja u s-sigurtà. Bl-istess mod, l-Artikolu 15 tad-Direttiva proposta ma jiżgurax la l-libertajiet pubbliċi u lanqas il-preżunzjoni ta’ innoċenza. Barra minn hekk, il-KESE huwa mħasseb dwar il-kwistjoni tal-prova tal-intenzjoni u jemmen li l-każijiet kollha elenkati fl-Artikoli 5 sa 13 għandhom jidhru quddiem l-imħallef biex jikkonferma l-akkużi.

1.6.

Il-KESE jemmen li huwa xieraq li jiġu introdotti strumenti li jimpedixxu r-radikalizzazzjoni, bħala parti minn programm usa’ li jindirizza l-kawżi soċjali, ekonomiċi, kulturali, reliġjużi u politiċi tat-tixrid ta’ dan it-tip ta’ theddid, u dawn għandhom ikunu kkoordinati ma’ attivitajiet relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-soppressjoni tiegħu. Madanakollu, ir-radikalizzazzjoni mhux bilfors hija predispożizzjoni jew sejħa għall-vjolenza. Il-politiki u l-programmi ta’ prevenzjoni għandhom ikunu mmirati lejn l-individwi u l-gruppi li huma l-aktar inklinati li jużaw il-vjolenza għal skopijiet terroristiċi. Is-soċjetà ċivili għandha rwol kruċjali x’taqdi fl-indirizzar ta’ kundizzjonijiet li jħeġġu r-radikalizzazzjoni u l-propensità għall-użu tal-vjolenza.

1.7.

Minbarra li tiġi ċċarata l-liġi u li titjieb il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-oqsma elenkati hawn fuq, hija meħtieġa l-koordinazzjoni tal-politika barranija Ewropea fir-reġjuni tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq, reġjuni li reċentement għaddew minn trasformazzjonijiet kbar, li kienu vjolenti għal ħafna, u, f’xi każi, wasslu għal instabbiltà u konflitti. Jekk it-theddida tat-terroriżmu laħqet livell urġenti f’dawn l-aħħar snin, dan huwa minħabba l-eżistenza ta’ żoni ta’ konflitt, li joffru punt ta’ konċentrazzjoni fejn għadd kbir ta’ ċittadini Ewropej isibu post ta’ ispirazzjoni u taħriġ. Il-preżenza ta’ konflitti fit-tul fir-reġjun, inkluż fi stat iffriżat, jinkoraġġixxu wkoll li ċerti gruppi u individwi jimpenjaw ruħhom biex jorganizzaw atti terroristiċi. Il-Kumitat iqis li l-involviment b’mod aktar ċar favur l-isforzi mmirati lejn l-istabilizzazzjoni, l-iżvilupp u d-demokratizzazzjoni tar-reġjun huwa ta’ prijorità. Il-ġlieda kontra l-faqar, il-korruzzjoni u l-esklużjoni politika u soċjali għandha wkoll tkun ta’ prijorità.

1.8.

Il-Kumitat iqis li l-limitazzjoni b’mod drastiku għall-aċċess għall-armi tan-nar, il-munizzjon u l-isplussivi għandha tkun prijorità għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE. L-attakki terroristiċi riċenti fl-Ewropa wrew li persuni involuti f’attivitajiet terroristiċi xtraw armi perikolużi mis-suq iswed, fejn hemm offerta diversifikata ħafna. Il-kollużjoni bejn il-gruppi terroristiċi u l-kriminalità organizzata hija theddida kbira għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-Ewropa u lil hinn minnha.

1.9.

Il-Kumitat jaqbel li jsiru kjarifiki fil-leġislazzjoni dwar il-vittmi tat-terroriżmu. Dawn għandhom jirċievu għajnuna effettiva u rapida mhux biss immedjatament wara l-atti mġarrba iżda wkoll fi żmien medju u fit-tul. Fl-istess ħin, jeħtieġ li wieħed jifhem aħjar il-konsewgenzi soċjali, ekonomiċi u psikoloġiċi tal-attakki terroristiċi fuq il-komunitajiet, l-individwi u s-setturi differenti tal-attività ekonomika. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tanalizza dawn l-aspetti u, skont l-eżitu ta’ din il-ħidma, tipproponi miżuri xierqa. L-attakki reċenti x’aktarx ikollhom impatt fuq setturi bħat-turiżmu u t-trasport, u l-awtoritajiet pubbliċi Ewropej u nazzjonali għandhom jimplimentaw programmi ta’ appoġġ. Il-Kumitat jinnota li l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu tinvolvi nefqa u jistieden lill-Unjoni Ewropea tikkunsidra appoġġ finanzjarju għall-isforzi nazzjonali marbuta ma’ dan.

2.   Il-kuntest attwali: ir-rikonċiljazzjoni tal-ħtieġa għal aktar sigurtà mar-rispett tad-drittijiet fundamentali

2.1.

Kif stqarr fl-opinjoni tiegħu dwar il-Programm tal-Aja, il-Programm ta’ Stokkolma u l-Komunikazzjoni “Ewropa miftuħa u sikura: kif nagħmluha realtà”, il-Kumitat jemmen li l-bażi u l-punt ta’ referenza għal kwalunkwe politika dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja għandu jkun il-ħarsien, mingħajr waqfien jew diskriminazzjoni, tad-drittijiet fundamentali garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (1).

2.2.

Fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Kumitat jemmen li huwa loġiku, fil-kuntest internazzjonali attwali, li ssir reviżjoni tal-qafas legali eżistenti biex l-atti assoċjati mal-attivitajiet terroristiċi jiġu kkunsidrati bħala reati. Il-Kumitat jinnota li fil-parti tal-proposta għal Direttiva dwar id-drittijiet fundamentali (Kapitolu 3 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni), hija msemmija l-ħtieġa li tkun eskluża kull forma ta’ arbitrarjetà u, kif għamel f’opinjonijiet oħra dwar l-istess suġġett, josserva li għandha tingħata prijorità lid-drittijiet fundamentali u l-bżonn li jinżamm ambjent demokratiku qawwi għalkemm iffaċċjati b’dan it-tip ta’ theddid (2).

2.3.

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza li titħares iż-żona Schengen, bħala eżempju konkret tal-prinċipji ġenerali stabbiliti fit-Trattat. Huwa jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ma jużawx forom ta’ limitazzjoni tal-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni.

2.4.

Konxju mill-isfidi serji tal-kuntest ġeopolitiku attwali, il-Kumitat jinnota li d-definizzjonijiet mogħtija fil-proposta għal Direttiva mhumiex ċari biżżejjed biex jiżguraw l-infurzar tad-drittijiet taċ-ċittadini kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fit-Trattat. Jinnota li l-marġini ta’ interpretazzjoni tat-termini hija wiesgħa wisq u li, fiċ-ċirkustanzi attwali, ma tingħatax f’idejn l-imħallfin iżda titħalla f’idejn il-prosekuzzjoni u s-servizzi tal-infurzar tal-liġi. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni wkoll għat-tentazzjoni possibbli li miżuri eċċezzjonali jitqarrbu għad-dritt komuni, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, kif tista’ tagħti x’tifhem proposta ta’ Direttiva bħal din f’qasam ta’ kompetenza kondiviża.

2.5.

Il-KESE jilqa’ l-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni diġitali, sakemm huma ddisinjati biex jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra t-terroristi. F’dan ir-rigward, il-Kumitat iqis li s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) hija pilastru ewlieni tal-mekkaniżmu ta’ informazzjoni tal-Unjoni u jirrakkomanda lil dawk li jfasslu l-politika biex jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-Istati Membri kollha jipparteċipaw.

3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1.    Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar u l-użu illegali tal-armi tan-nar u l-isplussivi

3.1.1.

Kummenti ġenerali

3.1.1.1.

Il-Kumitat jilqa’ l-proposti deskritti fil-Komunikazzjoni. Huwa meħtieġ li titjieb b’mod sinifikanti l-kooperazzjoni istituzzjonali bejn l-Istati Membri, kemm f’termini ta’ skambju ta’ informazzjoni kif ukoll fil-konnessjoni tal-bażijiet ta’ data eżistenti. Għandha ssir referenza speċifika għall-programmi ta’ taħriġ tal-persunal fl-amministrazzjonijiet nazzjonali, li s’issa għadhom ma kinux prijorità.

3.1.1.2.

Il-Kumitat jemmen li l-iżgurar tal-interoperabbiltà tal-bażijiet tad-data u l-inkoraġġament tal-awtoritajiet nazzjonali biex jiġbru d-data, huma elementi kruċjali biex tiġi żgurata valutazzjoni korretta tal-kontroll tal-użu tal-armi tan-nar u l-isplussivi.

3.1.1.3.

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-attenzjoni għall-ħtieġa li tkun imfixkla l-provvista ta’ armi tan-nar illegali permezz tal-Internet (web viżibbli u inviżibbli) u r-riskji relatati mal-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi bħall-istampar 3D.

3.1.1.4.

Għalkemm huma meħtieġa aktar sforzi kemm fl-użu ta’ teknoloġiji ta’ skoperta kif ukoll fl-istandardizzazzjoni tal-użu tagħhom, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni dwar il-periklu li jinħoloq “suq” għal dawn it-teknoloġiji. Jekk in-negozjanti jkunu jridu jikkummerċjalizzawhom, huma jista’ jkollhom it-tentazzjoni li jenfasizzaw ir-riskji potenzjali għas-sigurtà u għaldaqstant ixxerdu l-biża’ fost il-popolazzjoni. Il-Kumitat ma jirrakkomandax il-ġeneralizzazzjoni ta’ teknoloġiji ta’ skoperta iżda l-użu selettiv tagħhom, skont il-ħtiġijiet u r-riskji.

3.1.1.5.

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġa koperazzjoni mill-qrib bejn l-Europol, l-Interpol, l-atturi ewlenin tal-iTrace u korpi rilevanti oħra, bħalma huma l-awtoritajiet doganali u dawk ta’ liċenzjar tal-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-armi tan-nar, sabiex titjieb il-kooperazzjoni operattiva, it-traċċabilità u l-prevenzjoni tad-devjazzjoni ta’ armi lejn is-suq iswed.

3.1.1.6.

Il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni li jissaħħu l-attivitajiet operattivi u li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni bejn l-UE u l-Ewropa tax-Xlokk u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (ir-reġjun MENA). F’dan il-qasam ukoll, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi hija importanti ħafna.

3.1.1.7.

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn l-eżistenza ta’ problemi ta’ natura istituzzjonali, b’mod partikolari l-integrità tal-forzi tal-pulizija, f’ħafna minn dawn il-pajjiżi. Minbarra l-kooperazzjoni fil-qasam tal-armi tan-nar innifsu, l-Unjoni Ewropea għandha tħeġġeġ u tappoġġa r-riformi istituzzjonali fil-pajjiżi kkonċernati.

3.2.

Id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

3.2.1.

Kummenti ġenerali

3.2.1.1.

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-liġijiet u l-proċeduri istituzzjonali jridu jiġu kontinwament adattati għall-iżviluppi u r-riskji fil-qasam tas-sigurtà. Avvenimenti reċenti wrew li l-fenomenu tat-terroriżmu qed jieħu xejra internazzjonali, kemm minħabba l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni kif ukoll minħabba l-kunflitti fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.

3.2.1.2.

Il-finanzjament, it-taħriġ, l-inċitament, l-ivvjaġġar għall-fini ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku huma kollha azzjonijiet marbutin ma’ atti terroristiċi. Il-Kumitat jirrakkomanda lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex japplikaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u l-inkriminazzjoni u l-ġlieda kontra dawn l-atti għandha tkun proporzjonata mal-gravità u l-intenzjonalità tagħhom.

3.2.1.3.

Bl-istess mod, il-Kumitat iqis għaqli l-kriminalizzazzjoni ta’ azzjonijiet li jinkoraġġixxu jew jikkoordinaw it-twettiq ta’ reati terroristiċi, li huma ħafna drabi mwettqa minn persuni li ma jkunux esposti direttament iżda jaġixxu permezz ta’ persuna oħra.

3.2.1.4.

Fl-istess waqt, il-Kumitat jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-kapaċitajiet tal-Istati Membri u r-rieda jew nuqqas ta’ rieda tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-iżgurar li d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u t-trattati internazzjonali jiġu osservati fil-prattika. L-introduzzjoni tal-istat ta’ emerġenza fi Franza, wara l-attakki terroristiċi ta’ tmiem is-sena li għaddiet, ta l-possibbiltà lill-Istat Franċiż li jieħu miżuri li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kkontestaw mil-lat tad-drittijiet fundamentali (3). Il-Kumitat jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali biex iwettqu dmirijiethom b’mod proporzjonat u effettiv u biex jevitaw kwalunkwe miżura li tista’ tipproduċi effetti li jmorru kontra l-miżuri mixtieqa. Il-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrih jistgħu jsiru biss fir-rispett tal-Istat tad-dritt, tad-drittijiet fundamentali u t-trattati internazzjonali. Il-Kumitat jikkunsidra li huwa neċessarju li tiġi stabbilita forma ta’ monitoraġġ kontinwu tal-miżuri deċiżi mill-Istati Membri fil-qasam tat-terroriżmu. F’dan ir-rigward, huwa jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra t-twaqqif ta’ proċeduri li jippermettu li l-miżuri mhux xierqa jiġu identifikat u korretti. F’dan ir-rigward huwa possibbli l-użu tal-mekkaniżmu ta’ kontroll tar-rispett għall-Istat tad-dritt, implimentat mill-Kummissjoni Ewropea, li jidentifika l-ksur u jipprovdi għal proċeduri biex jiġi kkoreġut.

3.2.1.5.

Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva tal-isforzi ta’ prevenzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-indirizzar tal-effetti tiegħu, kif ukoll biex tiġi żgurata l-uniformità tal-prattiki, inkluż mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jikkunsidraw il-ħolqien ta’ aġenzija tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu.

3.2.2.

Kummenti speċifiċi

3.2.2.1.

Fir-rigward tad-definizzjoni tar-reati terroristiċi (Titolu II, Artikolu 3), hemm ir-riskju li d-definizzjoni ta’ terroriżmu u azzjonijiet assoċjati miegħu hija wiesgħa wisq.

3.2.2.2.

Pereżempju, fl-Artikolu 3(2)(d), “toħloq distruzzjoni estensiva […] facilità infrastrutturali, li tinkludi sistema informattiva” tista’ tiġi kkunsidrata bħala att terroristiku. Mhuwiex ċar jekk hacking (piraterija tal-informatika) tistax tiġi kkunsidrata bħala att terroristiku. Hemm każijiet fejn dawn l-azzjonijiet kellhom l-għan li jxerrdu dokumenti ta’ interess pubbliku, u għalkemm il-kisba u l-pubblikazzjoni tagħhom jistgħu jkunu att krimimali, dawn l-atti ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tipika ta’ terroriżmu.

3.2.2.3.

L-Artikolu 3(2)(i) jgħid li “t-theddid li jitwettaq att terroristiku” huwa ekwivalenti għat-twettiq ta’ tali att. Dan il-punt huwa problematiku ħafna, speċjalment jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jkunx rispettat. Theddida ma tistax titqies bħala fatt, peress li hija att potenzjali u mhux azzjoni mwettqa. Il-Kumitat jipproponi l-irtirar tal-Artikolu 3(2)(i) tal-proposta għal Direttiva.

3.2.2.4.

Fir-rigward tal-“provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku” (Titolu III, Artikolu 5), id-definizzjoni tal-ksur mhix ċara. Billi l-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni huma garantiti, tqum il-kwistjoni f’liema ċirkostanzi s-sempliċi żvelar pubbliku ta’ attakk terroristiku ma jibqax sempliċi informazzjoni iżda jsir provokazzjoni. Bl-istess mod, bl-iżvilupp tal-pjattaformi ta’ netwerks soċjali, fejn kull utent huwa wkoll l-awtur tal-kontenut, huwa diffiċli ħafna li jiġu traċċati u identifikati b’mod xieraq liema elementi huma informazzjoni u liema provokazzjoni.

3.2.2.5.

Fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni tal-“ivvjaġġar barra mill-pajjiż għal skopijiet ta’ terroriżmu” (Titolu III, Artikolu 9), hemm nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “għal skopijiet ta’ terroriżmu”. Jekk is-sitwazzjoni hija ċara fil-każ ta’ organizzazzjoni ta’ attakk jew il-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ taħriġ, dan żgur mhux il-każ meta persuna tkun involuta f’ribelljoni armata, insurrezzjoni jew gwerra ċivili, kif inhu l-każ fis-Sirja u l-Libja. Il-parteċipazzjoni fi gwerra kważi konvenzjonali tista’ titqies bħala għal skopjiet ta’ terroriżmu (4)? Sitwazzjoni oħra possibbli hija dik ta’ ġellieda Ewropej li qed jiġġieldu f’rabta ma’ gruppi ribelli kklassifikati bħala terroristi mill-gvernijiet nazzjonali fit-territorju fejn huma attivi, jew minn gvernijiet ta’ pajjiżi terzi.

3.2.2.6.

B’rabta ma’ din il-kwistjoni, għandu jiġi osservat li l-identifikazzjoni tan-natura “terroristika” jew le ta’ grupp hija diffiċli. Dawn mhumiex biss diffikultajiet ta’ analiżi iżda wkoll istituzzjonali. L-UE għandha s-sistema tagħha biex tistabbilixxi liema organizzazzjonijiet tinkludi jew tneħħi mil-lista ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi, partikolarment dawk fuq il-lista awtonoma operata separatament mil-lista tan-NU (5). Id-definizzjoni u l-prattika nazzjonali ta’ organizzazzjoni terroristika tista’ tkun differenti mill-prattika tal-UE. F’dan il-każ, hemm ħtieġa għal koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE u speċjalment il-korpi li għandhom responsabilitajiet f’dan il-qasam (peż. Europol).

3.2.2.7.

Fir-rigward tal-Artikoli 12 sa 14, mhux ċar għaliex ir-reati msemmija għandhom ikunu kriminalizzati separatament minn dawk normalment fil-kodiċi kriminali fl-Istati Membri differenti. Madankollu, huwa possibbli li l-iskop tat-terroriżmu jiġi rikonoxxut bħala aggravant tar-reati koperti, li, fir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġġustifika piena kriminali itqal.

3.2.2.8.

Dwar “ir-relazzjoni mar-reati terroristiċi” (Artikolu 15), il-punt “Sabiex reat imsemmi fl-Artikolu 4 u t-Titolu III ikun punibbli, mhuwiex meħtieġ li reat terroristiku jkun effettivament twettaq” iqajjem problema. Kif tista’ tkun stabbilita l-intenzjoni terroristika? jiġifieri li att speċifiku jifforma parti minn katina li twassal għal att imwettaq u mhux att iżolat? Dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq id-drittijiet fundamentali.

3.2.2.9.

Il-Kumitat jistaqsi dwar ir-rilevanza tal-proposta li tinsab fl-Artikolu 17 dwar is-sanzjonijiet kontra l-persuni fiżiċi, fejn huwa mitlub li l-Istati Membri jiżguraw li r-reati kkonċernati jkunu punibbli b’pieni kriminali “li jistgħu jinvolvu l-estradizzjoni”.

3.2.2.10.

Dwar it-traspożizzjoni, il-proposta tirreferi għal perjodu ta’ 12-il xahar wara d-data tal-adozzjoni. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iqassru kemm jista’ jkun il-perjodu sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Brussell, is-17 ta’ Marzu 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 96.

(2)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 91.

(3)  Ara r-rapport France: Abuses Under State of Emergency Halt Warrentless Search and House Arrest, Human Rights Watch (HRW), 3 ta’ Frar 2016, u r-rapport Devant l’urgence, que deviennent les principes de l’État de droit? (Dominique Guibert), Assoċjazzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem (AEDH).

(4)  Ta’ min wieħed jinnota l-każ interessanti tal-ġellieda Ewropej fis-Sirja, li qed jiġġieldu flimkien mal-milizzja Kurda, kontra d-Daesh, li hija ċ-ċentru tal-fenomenu tat-terroriżmu b’ispirazjoni reliġjuża. Ċittadin Netherlandiż, eks militari fl-armata nazzjonali, huwa investigat mill-awtoritajiet Netherlandiżi b’akkuża ta’ qtil, b’riżultat tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-ġlied fis-Sirja mal-forzi Kurdi (YPG). Mhuwiex ċar jekk il-kwalifika ġuridika ta’ fatti simili hux se tiġi emendata, ladarba d-Direttiva tkun trasposta fid-dritt Netherlandiż.

(5)  EU Terrorist Listing. An Overview about Listing and Delisting Procedures Martin Wahlisch, Berghof Peace Support, 2010.


18.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima”

[COM(2015) 667 final – 2015/0313 (COD)]

(2016/C 177/10)

Relatur:

is-Sur Jan SIMONS

Nhar is-27 ta’ Jannar u l-21 ta’ Jannar 2016 rispettivament, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà”

[COM(2015) 667 final – 2015/0313 (COD)].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Marzu 2016.

Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-16 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’175 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (EMSA), peress li din tagħmel parti minn approċċ usa’ li l-fruntieri marittimi esterni jiġu mmonitorjati b’mod aktar effettiv milli sar fil-passat.

1.2.

Madankollu, skont ir-riżoluzzjonijiet li l-Kumitat adotta f’Settembru u f’Diċembru 2015 dwar il-wasla ta’ għadd enormi ta’ refuġjati, għal darb’oħra jenfasizza li hemm bżonn urġenti li jiġu implimentati l-miżuri proposti. Is-sitwazzjoni fejn il-fluss ta’ refuġjati tkompli tieħu l-ħajjiet fil-baħar, l-influss illegali ta’ migranti jippersisti u l-Istati Membri jieħdu azzjoni unilaterali billi jintroduċu kontrolli permanenti fil-fruntieri ma tistax u m’għandhiex titħalla titkompla.

1.3.

Il-Kumitat jirrakkomanda bil-qawwa li jitneħħa t-terminu “Gwardja tal-Kosta” mit-titolu u l-kontenut tal-abbozz ta’ regolamenti u t-titlu jsir “Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera”. L-aġenzija għall-gwardja tal-fruntiera tappoġġja wieħed biss mill-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, filwaqt li ħafna oħrajn diġà huma appoġġjati mill-EMSA. L-użu tat-terminu “u Gwardja tal-Kosta” fl-isem tal-aġenzija għall-gwardja tal-fruntieri kważi ċertament ser iwassal għal konfużjoni bla bżonn u jista’ jwassal għal duplikazzjoni ta’ attivitajiet.

1.4.

Il-Kumitat jilqa’ l-proposta li jiġu estiżi l-attivitajiet tal-EMSA, aġenzija li f’dawn l-aħħar snin tat kontribut effettiv biex ittejjeb is-sikurezza marittima u tipprevjeni kif ukoll tindirizza t-tniġġis minn vapuri. Madankollu għandu dubji serji dwar jekk l-EMSA, bir-riżorsi umani u finanzjarji tagħha, tistax twettaq sew il-kompiti addizzjonali tagħha.

1.5.

Huwa ta’ tħassib il-fatt li dgħajjes żgħar tal-injam jew tal-lastku ma jistgħux, jew mhux faċilment, jiġu ttraċċati permezz tal-immaġni tas-satellita. Il-Kummissjoni tqis li l-użu ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (Remotely Piloted Aircraft Systems (RPAS); jissejħu wkoll droni) jista’ jegħleb din il-limitazzjoni. Il-KESE jilqa’ dan għax jippermetti sorveljanza kompleta, fost affarijiet oħra, sabiex jiġi evitat telf ta’ ħajjiet.

1.6.

Il-Kumitat jinsab imħasseb ukoll dwar il-fatt li l-Istati Membri qegħdin jintroduċu kontrolli permanenti tal-fruntieri li, skont ir-riċerka, iwasslu għal spejjeż konsiderevoli. Fil-fehma tiegħu, sistema kosteffiċjenti u effikaċi ta’ sorveljanza tal-kosta tfisser li l-Istati Membri jabbandunaw il-kontrolli permanenti u tippermetti li s-sistema tax-Schengen terġa’ tiġi għal li kienet.

1.7.

Fil-fehma tal-Kumitat, kooperazzjoni intensiva u skambju ta’ informazzjoni bejn it-tliet aġenziji tal-UE in kwistjoni, u bejniethom u bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-kompiti tas-sorveljanza tal-kosta għandhom iwasslu għal sistema effiċjenti u effettiva ta’ sorveljanza tal-kosta. Madankollu, il-Kumitat jappella biex tittieħed deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr. Il-problemi huma wisq urġenti biex jitħalla jgħaddi ħafna żmien.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fil-15 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ppubblikat Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (COM(2015) 667 finali) u l-Kunsill u l-Parlament Ewropew imbagħad talbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex ifassal opinjoni dwar is-suġġett, b’konformità mal-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.2.

Il-Kumitat huwa kuntent jagħmel dan peress li skontu, il-proposta li temenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 hija pass kbir ‘il quddiem sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tas-servizzi tal-kontroll tal-fruntieri tal-kosta u jitjiebu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji rilevanti tal-UE, biex jinkisbu s-sinerġiji sabiex l-operat tagħhom ikun aktar effiċjenti u kosteffettiv. B’dan il-mod, l-aġenziji tal-UE jkunu jistgħu jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali responsabblimis-sorveljanza tal-fruntieri u tal-kosta b’informazzjoni ta’ kwalità għolja u kosteffettiva.

2.3.

Dan huwa neċessarju b’mod urġenti peress li, skont il-Kummissjoni, hemm aktar minn 300 awtorità ċivili u militari fl-Istati Membri li huma responsabbli għat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta f’oqsma bħas-sigurtà marittima, kontroll tal-fruntieri, kontroll tas-sajd, kontroll tad-dwana, protezzjoni tal-ambjent, eċċ.

2.4.

Biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, dawn l-awtoritajiet nazzjonali huma appoġġjati minn għadd ta’ aġenziji tal-UE, inklużi l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (magħrufa wkoll bħala Frontex), l-EMSA u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA).

2.5.

Din il-proposta leġislattiva hija parti minn sett ta’ miżuri proposti mill-Kummissjoni sabiex “tissaħħaħ il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-Ewropa, inkluża l-koperazzjoni Ewropea fil-funzjoni tal-gwardja tal-kosta”. Il-proposti l-oħrajn jikkonċernaw ir-Regolament li jistabbilixxi “l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta” u emenda għar-Regolament (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, simili għall-proposta preżenti.

2.6.

Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni relatata dwar “Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta u l-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Ewropa” (COM(2015) 673 final), hemm indikat li l-proposti tal-Kummissjoni huma bbażati fuq l-għadd kbir ta’ qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-UE.

2.7.

Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2015) 673 final, l-ewwel parti u n-nota f’qiegħ il-paġna nru 1), minn Jannar sa Novembru 2015 kien hemm aktar minn 1,5 miljun qsim irregolari tal-fruntieri esterni tal-UE, b’tali mod li flussi ta’ refuġjati u ta’ migranti komplew il-vjaġġ tagħhom fl-UE mingħajr ma ġew identifikati u rreġistrati.

2.8.

B’riżultat ta’ dan, il-Ftehim ta’ Schengen kien taħt pressjoni. Xi Stati Membri għażlu li temporanjament jerġgħu jdaħħlu l-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom – sitwazzjoni li ma tistax tkompli fit-tul.

2.9.

Studju reċenti ħafna mit-think tank tal-Gvern Franċiż Stratégie juri li l-użu mill-ġdid tax-Schengen jista’ jwassal għal dannu ekonomiku ta’ EUR 100 biljun. Fuq perjodu twil, il-kummerċ bejn is-26 pajjiż tax-Schengen jista’ jonqos b’10 % sa 20 %, u l-prodott gross nazzjonali tal-Istati Schengen jista’ jonqos b’0,8 %.

2.10.

Fil-Komunikazzjoni ta’ Mejju 2015 dwar il-migrazzjoni (COM(2015) 240 final), il-Kummissjoni indikat li jeħtieġ li tiġi stabbilita ġestjoni kondiviża tal-fruntieri esterni, f’konformità mal-Artikolu 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.11.

Barra minn hekk, il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker ħabbar, waqt id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2015, li sal-aħħar tal-2015 ser jippreżenta proposti għal “sistema Ewropea kompletament operazzjonali ta’ gwardja tal-fruntieri u tal-kosta”. Fil-fatt huwa għamel hekk fil-15 ta’ Diċembru 2015. Din il-Komunikazzjoni hija waħda minn dawn il-proposti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kriżi attwali tar-refuġjati, adottata fis-16 ta’ Settembru 2015, il-Kumitat insista li l-Ewropa għandha terfa’ r-responsabbiltà tagħha fir-rigward tal-fluss massiv ta’ refuġjati u tieħu azzjoni kollettiva u immedjata.

3.2.

Fl-istess riżoluzzjoni, il-Kumitat esprima tħassib li l-Ftehim ta’ Schengen u l-moviment liberu ta’ persuni u oġġetti kienu qegħdin jiġu kompromessi. Dan reġa’ ġie enfasizzat fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-refuġjati adottata fl-10 ta’ Diċembru 2015, li ddikjarat li “Huwa importanti li l-fruntieri esterni tal-pajjiżi Schengen ikollhom sigurtà adegwata. Madankollu, it-tqegħid mill-ġdid tal-barrikati interni u l-bini ta’ ħitan m’huma se jagħmlu xejn biex jgħaqqdu liċ-ċittadini tal-UE jew biex irawmu ċ-ċittadinanza tal-UE”.

3.3.

Fil-fehma tal-Kumitat, huwa essenzjalment importanti li tittieħed azzjoni malajr sabiex titjieb il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sorveljanza tal-fruntieri, inkluża s-sorveljanza tal-fruntieri tal-kosta. Għalhekk, huwa jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, u b’mod partikolari japprova l-idea, iżda mhux il-proposta kif inhi bħalissa, li tiġi stabbilita Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, abbażi ta’ Frontex, li għandha taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA).

3.4.

Fil-fatt, il-Kumitat ma jifhimx għalfejn il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Frontex “ġdida” tirreferi għall-“gwardja tal-kosta”. Pereżempju, l-EMSA diġà żviluppat diversi sistemi uniċi ta’ informazzjoni relatata mal-marittima u kisbet esperjenza fihom, u skont il-proposti tal-Kummissjoni, ser tingħata wkoll kompiti addizzjonali f’dan il-qasam fil-futur.

3.5.

Skont l-esperti f’dan il-qasam, dan jista’ jiġi konkluż mill-proposti tal-baġit. Pereżempju, jista’ jiġi konkluż mid-data finanzjarja, li l-EMSA ser tikri servizzi tal-RPAS (droni), li ser iżidu livell supplementari ta’ data lis-sistema tal-EMSA li jkun ikopri aktar mis-sempliċiment data tas-sorveljanza tal-fruntieri.

3.6.

Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi evitat it-terminu “gwardja tal-kosta” sabiex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim possibbli. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni attwali bejn it-tliet aġenziji diġà turi li d-diviżjoni tax-xogħol uriet li fil-prattika hija effiċjenti u effettiva.

3.7.

Il-Kumitat jenfasizza li l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati bit-twettiq tas-servizzi tal-gwardja tal-kosta għandhom ikunu jistgħu, fuq il-perjodu qasir, jieħdu vantaġġ minn din il-kooperazzjoni msaħħa, fil-forma ta’ titjib fl-iskambju ta’ data u sorveljanza operazzjonali tal-fruntieri esterni tal-UE.

3.8.

Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-EMSA ħadet it-tmexxija sabiex ittejjeb b’mod sinifikanti l-kapaċitajiet ta’ sorveljanza tal-RPAS (droni) fil-fruntieri marittimi esterni tal-Unjoni Ewropea. Dan mhux biss jiffaċilita aktar kontrolli effiċjenti u effettivi, iżda l-RPAS (droni) jistgħu wkoll iservu finijiet differenti.

3.9.

Fl-opinjoni tiegħu dwar l-emenda għar-Regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (1), fil-konklużjonijiet tiegħu l-Kumitat iddikjara li huwa jilqa’ r-rwol moqdi mill-EMSA li ttejjeb is-sigurtà marittima fl-Istati Membri. Huwa ddikjara wkoll li, anke dak iż-żmien, kien iqis importanti ħafna li l-kompiti u l-kompetenzi tal-EMSA jiġu estiżi b’mod responsabbli.

3.10.

Sabiex l-EMSA twettaq dawn il-kompiti addizzjonali b’mod xieraq, huwa importanti li l-Aġenzija jkollha biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji. Il-baġit tal-UE jipprovdi li l-baġit tal-EMSA jiżdied bi EUR 22 miljun fis-sena sal-2020, u jiġu rreklutati 17-il membru tal-persunal temporanju. Il-Kumitat għandu dubji dwar jekk dan huwiex biżżejjed. Għalkemm il-partijiet direttament involuti, bħall-EMSA, iqisu dan biżżejjed, il-Kumitat jemmen li dan ma jħallix lok għall-indirizzar ta’ diżastri inevitabbli. Il-KESE jemmen li għandu jinħoloq buffer finanzjarju.

3.11.

Il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-fatt li, bit-teknoloġiji attwali, huwa diffiċli li jiġu ttraċċati refuġjati f’dgħajjes żgħar tal-injam jew tal-lastku. L-informazzjoni mis-satellita hija disponibbli biss f’ċerti ħinijiet, skont l-orbita tas-satellita madwar id-dinja. Skont il-Kummissjoni, dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jingħelbu bl-użu tal-RPAS (droni).

3.12.

Meta wieħed iqis il-fluss tar-refuġjati, il-Kumitat iqis essenzjali, mil-lat umanitarju u fl-interessi ta’ sorveljanza effiċjenti u effettiva tal-kosta, li jiġi żgurat li l-movimenti kollha tal-bastimenti fuq il-baħar jistgħu jiġu pperċepiti, b’mod li s-servizzi ta’ salvataġġ jkunu jistgħu jintervjenu fil-ħin.

3.13.

Il-Kumitat iqis għaqlija l-għażla li, mit-tliet aġenziji, l-EMSA tingħata rwol ewlieni sabiex torganizza s-servizzi tal-RPAS (droni).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-Kumitat huwa favur kooperazzjoni mtejba bejn l-aġenziji tal-UE u l-aġenziji nazzjonali tal-gwardja tal-kosta. Din għandha twassal għal sorveljanza effiċjenti u effettiva mil-lat ta’ spejjeż tal-fruntieri esterni marittimi tal-UE.

4.2.

Minħabba l-għadd sostanzjali ta’ migranti, din għandha titwettaq fi żmien qasir. Fil-fehma tal-Kumitat, kwalunkwe dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri, tkun xi tkun ir-raġuni, huwa inaċċettabli. Għall-kuntrarju, il-proposti tal-Kummissjoni kollha, u mhux biss il-proposta tal-EMSA, għandhom jiġu adottati u implimentati mingħajr dewien, naturalment waqt li jitqiesu l-kummenti tal-Kumitat.

4.3.

Il-Kumitat huwa favur li jiġu estiżi l-kompiti tal-EMSA peress li fis-snin reċenti, l-EMSA wriet li kapaċi tiggarantixxi livell għoli ta’ sikurezza u sigurtà marittima u kellha rwol importanti fil-ġlieda kontra t-tniġġis ikkawżat minn vapuri.

4.4.

L-estensjoni tal-kompiti tal-EMSA għandha ssarraf f’distribuzzjoni aħjar tad-data dwar is-sorveljanza marittima f’ħin reali bejn it-tliet aġenziji tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali tal-gwardja tal-kosta, fl-użu tal-RPAS (droni) għas-sorveljanza tal-fruntieri marittimi esterni tal-UE, fid-disponibbiltà tad-data miġbura permezz tas-satelliti, f’servizzi ta’ komunikazzjoni aħjar biex jiġu appoġġjati l-operazzjonijiet konġunti u f’ħafna iktar attenzjoni u investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ.

4.5.

Il-Kumitat jistaqsi lilu nnifsu għaliex il-Kummissjoni tiddedika paragrafu għall-fatt li l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) ser tieqaf tipprovdi s-servizzi tas-sistema ta’ identifikazzjoni awtomatika (AIS) bis-satellita bla ħlas mingħajr ma tirreferi wkoll għall-paragrafi finanzjarji tal-proposta tal-Kummissjoni, fejn jipprevedu li jiġu allokati fondi għal dan l-iskop mill-2017, u l-2016 għandha tkun koperta mill-programm Copernicus. Il-Kumitat huwa konvint li dan tal-aħħar ser ikun minnu.

Brussell, is-16 ta’ Marzu 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 68.