ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 144

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
23 ta' April 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 144/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7976 — Deutsche Alternative Asset Management (Global)/Ermewa/Akiem) ( 1 )

1

2016/C 144/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7943 — Dow/DCC) ( 1 )

1

2016/C 144/03

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7851 — USS Nero/OPTrust/PGGM/Global Via) ( 1 )

2


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 144/04

Rata tal-kambju tal-euro

3

2016/C 144/05

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ April 2016 dwar notifika lil pajjiż terz dwar il-possibbiltà li dan jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

4

2016/C 144/06

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ April 2016 dwar notifika lil pajjiż terz dwar il-possibbiltà li dan jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

9

2016/C 144/07

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ April 2016 dwar notifika lil pajjiż terz dwar il-possibbiltà li dan jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

14

 

Il-Qorti tal-Awdituri

2016/C 144/08

Rapport Speċjali Nru 12/2016 — L-użu li l-aġenziji jagħmlu minn għotjiet: mhuwiex dejjem xieraq u mhux dejjem jista’ jintwera li huwa effettiv

19


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 144/09

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Il-Każ M.7992 — Starwood Capital Group/Banco Sabadell/JV) — Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

20

2016/C 144/10

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.7877 — Warburg Pincus/General Atlantic/UniCredit/Santander/SAM/Pioneer) ( 1 )

21

2016/C 144/11

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.7910 — Kesko/Onninen) ( 1 )

22


 

Rettifika

2016/C 144/12

Addendum ma’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 298 tat-8 ta’ Diċembru 2006

23

2016/C 144/13

Addendum ma’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 325 tat-22 ta’ Diċembru 2005

29


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7976 — Deutsche Alternative Asset Management (Global)/Ermewa/Akiem)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 144/01)

Fit-18 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32016M7976. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7943 — Dow/DCC)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 144/02)

Fl-20 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32016M7943. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/2


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7851 — USS Nero/OPTrust/PGGM/Global Via)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 144/03)

Fil-5 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32016M7851. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/3


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-22 ta’ April 2016

(2016/C 144/04)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1263

JPY

Yen Ġappuniż

124,86

DKK

Krona Daniża

7,4413

GBP

Lira Sterlina

0,78335

SEK

Krona Żvediża

9,1381

CHF

Frank Żvizzeru

1,0991

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,2443

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,046

HUF

Forint Ungeriż

310,10

PLN

Zloty Pollakk

4,3506

RON

Leu Rumen

4,4753

TRY

Lira Turka

3,1886

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4570

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4342

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,7368

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6364

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5211

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 287,41

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

16,1846

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,3159

HRK

Kuna Kroata

7,4900

IDR

Rupiah Indoneżjan

14 871,07

MYR

Ringgit Malażjan

4,3943

PHP

Peso Filippin

52,658

RUB

Rouble Russu

74,2513

THB

Baht Tajlandiż

39,432

BRL

Real Brażiljan

4,0218

MXN

Peso Messikan

19,6823

INR

Rupi Indjan

74,9425


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/4


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ April 2016

dwar notifika lil pajjiż terz dwar il-possibbiltà li dan jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

(2016/C 144/05)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32 tiegħu,

Billi:

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (“ir-Regolament IUU”) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

(2)

Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura għall-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward ta’ pajjiżi bħal dawn, l-istabbiliment ta’ lista ta’ tali pajjiżi, it-tneħħija minn dik il-lista, il-pubbliċità ta’ dik il-lista u kull miżura ta’ emerġenza.

(3)

Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-pajjiżi terzi bil-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx. Din in-notifika hija ta’ natura preliminari. In-notifika għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 31 tar-Regolament IUU. Il-Kummissjoni għandha tieħu wkoll id-démarches kollha stabbiliti fl-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-pajjiżi terzi nnotifikati. B’mod partikolari, fin-notifika l-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jsejsu identifikazzjoni bħal din, tagħti l-opportunità lil dawk il-pajjiżi biex jirrispondu u jipprovdu evidenza li tikkontradixxi l-identifikazzjoni jew, fejn ikun xieraq, toffri pjan ta’ azzjoni għat-titjib u miżuri meħudin biex jirrettifikaw is-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti żmien biżżejjed lill-pajjiżi terzi nnotifikati biex iwieġbu għan-notifika u żmien xieraq biex jirranġaw is-sitwazzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni Ewropea għandha tidentifika lill-pajjiżi terzi li hija tqis bħala pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Pajjiż terz għandu jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax jekk jonqos milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, jew milli jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

(5)

L-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx għandha tkun ibbażata fuq ir-rieżami tal-informazzjoni kollha kif inhu stipulat fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament IUU.

(6)

Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, il-Kunsill għandu jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Il-miżuri stabbiliti, inter alia, fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU japplikaw għal dawk il-pajjiżi.

(7)

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament IUU, l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati tal-qabda vvalidati minn pajjiżi terzi li huma Stati tal-bandiera hija soġġetta għal notifika lill-Kummissjoni dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni li l-bastimenti tas-sajd tal-pajjiżi terzi kkonċernati għandhom ikunu konformi magħhom.

(8)

Skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tikkoopera b’mod amministrattiv ma’ pajjiżi terzi f’oqsma li jappartjenu għall-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

2.   PROĊEDURA FIR-RIGWARD TAR-REPUBBLIKA TA’ KIRIBATI

(9)

Ir-Repubblika ta’ Kiribati (minn issa ‘l quddiem “Kiribati”) ma ppreżentatx lill-Kummissjoni n-notifika tagħha bħala Stat tal-bandiera skont l-Artikolu 20 tar-Regolament IUU.

(10)

Bejn l-2010 u l-2016 il-Kummissjoni kkooperat b’mod amministrattiv mal-awtoritajiet ta’ Kiribati. Din il-kooperazzjoni kopriet kwistjonijiet li jappartjenu għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni minn Kiribati. Din kienet tinvolvi skambju ta’ kummenti bil-fomm u bil-miktub kif ukoll żjara fuq il-post. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja dwar l-arranġamenti ta’ Kiribati għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni li magħhom għandhom jikkonformaw il-bastimenti tas-sajd tiegħu, kif ukoll il-miżuri meħuda minn Kiribati biex jimplimenta l-obbligi tiegħu fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(11)

Kiribati huwa membru tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) u tal-Kummissjoni Inter-Amerikana tat-Tonn Tropikali (IATTC). Kiribati rratifika l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) tal-1982 u l-Ftehim tal- 1995 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna (UNFSA). Huwa Parti għall-Konvenzjoni tal-Aġenzija tas-Sajd tal-Forum tan-Nofsinhar tal-Paċifiku (il-Konvenzjoni FFA) (2) u għall-Ftehim ta’ Nauru (PNA) dwar il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tas-sajd ta’ interess komuni (3).

(12)

Sabiex tevalwa l-konformità ta’ Kiribati mal-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq stipulati fil-ftehimiet internazzjonali msemmija fil-premessa (11) u stabbiliti mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO) rilevanti msemmija f’dik il-premessa, il-Kummissjoni fittxet. ġabret u analizzat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja għall-fini ta’ eżerċizzju bħal dan.

3.   POSSIBBILTÀ LI R-REPUBBLIKA TA’ KIRIBATI TIĠI IDENTIFIKATA BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(13)

Skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet ta’ Kiribati bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-fini ta’ dak ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-kriterji elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU.

3.1   Ir-rikorrenza ta’ attivitajiet tas-sajd IUU u l-flussi kummerċjali IUU (l-Artikolu 31(4) tar-Regolament IUU)

(14)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni matul iż-żjara tagħha fuq il-post u tal-informazzjoni disponibbli pubblikament, hemm indikazzjonijiet qawwija li Kiribati mhuwiex f’pożizzjoni li jipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-ispeċijiet li jpassu ħafna maqbuda mill-flotta tas-sajd tiegħu jew il-prodotti tas-sajd li nħattu l-art jew ġew ittrażbordati fil-portijiet tiegħu u x’kienu l-flussi kummerċjali ta’ dawn il-prodotti. Tabilħaqq, il-kontrolli fil-port imwettqa minn Kiribati jikkonsistu sempliċiment f’sensiela ta’ kontrolli tad-dokumenti (l-istatus tal-liċenzji, it-traċċar tas-sistema għall-monitoraġġ tal-bastimenti, ir-rapporti tal-osservaturi, l-inklużjoni fir-reġistru tal-bastimenti tajbin għat-tbaħħir tal-FFA) qabel ma bastiment tas-sajd jiġi awtorizzat jidħol fil-port. Bl-istess mod, jidher li titwettaq kontroverifika tad-dokumenti tal-kwantitajiet indikati fuq il-manifest tal-bastiment tas-sajd mal-kwantitajiet indikati fir-riċevuta ta’ abbord tat-trasportatur qabel ma jinħarġu l-permess ta’ ħruġ mill-port u d-dikjarazzjoni ta’ trażbord. Madankollu, ma jeżistux struzzjonijiet ulterjuri għall-kontroll fiżiku tal-operazzjonijiet ta’ ħatt l-art jew ta’ trażbord.

(15)

Kiribati rrikonoxxa li ma għandux sistema ta’ traċċabbiltà għall-prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jew għall-bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jistadu u jittrażbordaw fl-ilmijiet u fil-portijiet tiegħu. Ladarba l-ħut jinħatt l-art jew jiġi ttrażbordat fil-portijiet ta’ Kiribati, ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu biex jiġu ttraċċati l-prodotti fil-passi li jmiss fil-katina tal-provvista. Barra minn hekk, it-traċċabbiltà tal-prodotti tkun imxekkla mill-kontroll dgħajjef imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti fuq il-ħatt l-art u t-trażbord li jseħħu fil-portijiet ta’ Kiribati, kif deskritt fil-premessa (14). Għaldaqstant, Kiribati ma jkunx f’pożizzjoni li jiggarantixxi t-trasparenza tas-swieq tiegħu biex jippermetti t-traċċabbiltà tal-ħut u tal-prodotti tal-ħut kif stabbilit fil-punt 71 tal-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IPOA IUU) li jagħti parir lill-Istati biex jieħdu passi biex itejbu t-trasparenza tas-swieq tagħhom.

(16)

Meta jitqies in-nuqqas apparenti ta’ traċċabbiltà u n-nuqqas ta’ informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ta’ Kiribati dwar il-ħut li nħatt l-art jew ġie ttrażbordat fil-portijiet tiegħu, x’aktarx li l-pajjiż ma jirnexxilux jiżgura li l-kummerċ ta’ prodotti tas-sajd imwettaq f’dan il-pajjiż ma joriġinax minn sajd IUU. F’dan ir-rigward, jidher li Kiribati jonqos milli jikkonforma mal-obbligu impost fuq l-Istat tal-port biex jieħu azzjoni sabiex jippromwovi l-effikaċja tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni internazzjonali, inklużi spezzjonijiet fil-port ta’ dokumenti, irkaptu jew qabdiet u l-projbizzjoni ta’ ħatt l-art u ta’ trażbord fejn ikun ġie stabbilit li l-qabda kienet saret b’mod li timmina l-effikaċja ta’ dawk il-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni internazzjonali, kif stabbiliti fl-Artikolu 23 tal-UNFSA. Kiribati jonqos ukoll milli jqis ir-rakkomandazzjonijiet fil-punt 24 tal-IPOA IUU li jagħti parir lill-Istati tal-bandiera biex jiżguraw il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza komprensivi u effettivi tas-sajd, mill-punt tal-ħatt l-art sad-destinazzjoni finali.

(17)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġburin mill-Kummissjoni, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet li saru minn Kiribati, seta’ jiġi stabbilit li, skont l-Artikolu 31(3) u 31(4)(a) u (b) tar-Regolament IUU, hemm indikazzjonijiet qawwija li Kiribati naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera u tas-suq biex jipprevjeni l-aċċess tal-prodotti tas-sajd li ġejjin mis-sajd IUU lejn is-suq tiegħu.

3.2   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni u ta’ infurzar (l-Artikolu 31(5) tar-Regolament IUU)

(18)

Meta jitqies l-għadd kbir ta’ bastimenti b’bandiera barranija fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Kiribati, għandha tiġi enfasizzata l-importanza ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni effiċjenti. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet ta’ Kiribati matul iż-żjara tal-Kummissjoni f’Novembru 2015, hemm total ta’ 13-il ftehim bilaterali mal-assoċjazzjonijiet tas-sajd. F’dan ir-rigward, il-flotta awtorizzata li topera fl-ilmijiet ta’ Kiribati hija magħmula minn 178 bastiment tas-sajd bil-purse seine u 195 bil-konz, li minnhom 13-il bastiment tas-sajd bil-purse seine biss itajru l-bandiera ta’ Kiribati.

(19)

Minkejja li l-bastimenti tas-sajd bil-bandiera ta’ 13-il pajjiż huma liċenzjati biex joperaw fl-ilmijiet ta’ Kiribati, l-awtoritajiet kompetenti rrikonoxxew li ma twaqqfu l-ebda kanali ta’ kooperazzjoni mal-Istati tal-bandiera kkonċernati biex jiżguraw li Kiribati jikkonforma mal-obbligi tiegħu li jikkoopera mal-Istati tal-bandiera kif deskritt fil-premessa (21).

(20)

S’issa Kiribati ma tantx kien dispost jikkoopera mal-Kummissjoni fit-titjib tat-trasparenza tal-iskema ta’ ġranet tas-sajd (VDS) għall-ġestjoni tas-sajd bil-purse seine fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali. Il-Kummissjoni bagħtet serje ta’ ittri lill-Istati kostali u lill-Istati tal-bandiera kkonċernati fejn talbet biex dawn tal-aħħar ikollhom aċċess għall-informazzjoni dwar l-isforz tas-sajd użat mill-bastimenti tas-sajd tagħhom skont il-VDS. Għal dan il-għan, fit-18 ta’ Novembru 2014, fid-19 ta’ Diċembru 2014 u fis-27 ta’ April 2015 ġew indirizzati tliet ittri lill-awtoritajiet ta’ Kiribati. L-ebda waħda mit-tliet talbiet ma twieġbet qabel iż-żjara tal-Kummissjoni f’Kiribati. Matul iż-żjara f’Novembru 2015, l-awtoritajiet ta’ Kiribati ddikjaraw li huma disposti li jaqsmu l-informazzjoni tal-VDS, iżda sal-lum ma pprovdew l-ebda evidenza dwar l-arranġamenti li jiżguraw l-aċċess mill-awtoritajiet tal-Istati tal-bandiera kkonċernati.

(21)

Il-prestazzjoni ta’ Kiribati deskritta fil-premessa (20) ma tħallix lill-pajjiż jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 63 u 64 tal-UNCLOS li tistabbilixxi li l-Istati kostali u tal-bandiera għandhom jikkooperaw fir-rigward tal-ispeċijiet tal-ħut transżonali u li jpassi ħafna. L-Artikoli 7 u 20 tal-UNFSA jkomplu jiżviluppaw l-obbligu ta’ kooperazzjoni, rispettivament fl-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni kompatibbli u fl-iżgurar tal-konformità u l-infurzar ta’ dawn il-miżuri. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(1)(3) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO (4) jirrakkomanda lill-Istati li jipparteċipaw fl-isfruttament tal-istokkijiet tal-ħut transżonali u transfruntiera, biex jistabbilixxu ftehimiet bilaterali biex jiggarantixxu kooperazzjoni effettiva sabiex jiżguraw il-konservazzjoni u l-ġestjoni effettivi tar-riżorsi. Dan ikompli jiġi speċifikat fil-punti 28 u 51 tal-IPOA IUU, li jistipulaw prattiki ddettaljati għal kooperazzjoni diretta bejn l-Istati, inkluż l-iskambju ta’ dejta jew informazzjoni disponibbli għall-Istati kostali.

(22)

Il-qafas legali, ibbażat fuq l-Att dwar is-Sajd tal-2010 kif emendat mill-Att (Emenda) dwar is-Sajd tal-2015 (5), ma jkunx komplet, b’mod partikolari fir-rigward tas-sistema tas-sanzjonijiet. B’mod konkret, il-qafas legali fis-seħħ ma jinkludix definizzjoni ta’ IUU skont l-IPOA IUU. L-Att ma jinkludix sanzjonijiet espliċiti fil-każ ta’ ksur skont ir-regoli tal-RFMO, it-trażbord fuq il-baħar u s-sajd għal stokk li huwa suġġett għal moratorju jew li għalih is-sajd huwa pprojbit.

(23)

Il-kunċett ta’ “ksur serju” stabbilit fl-Artikolu 19(2) tal-UNFSA u adottat fis-CMM 2006-8 (6) tad-WCPFC dwar il-proċeduri tat-tlugħ abbord u tal-ispezzjonar isaħħaħ id-deterrenza ta’ sistema tas-sanzjonijiet billi jadatta l-livell tas-sanzjoni mal-gravità tan-nuqqas tal-attività illegali, bl-għan li jċaħħad il-benefiċċju ekonomiku miksub mit-trasgressur. Madankollu, il-qafas legali attwali ma jinkludix il-kunċett ta’ “ksur serju” u lanqas kriterji oħra għall-modulazzjoni ta’ sanzjonijiet bejn il-livelli minimi u massimi biex jiġi indirizzat il-benefiċċju ekonomiku li ġej mill-attività illegali.

(24)

Barra minn hekk, jidher li l-Att dwar is-Sajd ma jindirizzax ir-reċidività. It-trattament ta’ reati ripetuti huwa wkoll kruċjali biex tiġi żgurata d-deterrenza tas-sistema tas-sanzjonijiet. Il-fatt li reati ripetuti mhumiex espliċitament immirati b’penali ogħla jimmina l-proporzjonalità u d-deterrenza tas-sistema tas-sanzjonijiet ta’ Kiribati. Il-qligħ ta’ attività illegali ripetuta ma jkunx newtralizzat b’żieda tas-sanzjonijiet u b’hekk, it-trasgressuri potenzjali ma jiġux skoraġġuti jkomplu l-attivitajiet IUU.

(25)

Għaldaqstant, jidher li s-sistema tas-sanzjonijiet kif inhi llum, kif ġie eżaminat fil-premessi (22) sa (24) mhijiex komprensiva u severa biżżejjed biex twettaq il-funzjoni tagħha ta’ deterrent. F’dan ir-rigward, jidher li t-trattament ta’ ksur serju mhuwiex adegwat biex jiżgura l-konformità, jiskoraġġixxi l-ksur tal-liġi kull fejn dan iseħħ u jċaħħad lit-trasgressuri mill-benefiċċji miksuba mill-attivitaijet illegali tagħhom, kif mitlub mill-Artikolu 19(2) tal-UNFSA u l-Artikolu 25(7) tal-Konvenzjoni tal-WCPFC.

(26)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet kollha li saru minn Kiribati, jista’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u (5) tar-Regolament IUU, li hemm indikazzjonijiet qawwija li Kiribati naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tal-isforzi għall-kooperazzjoni u għall-infurzar.

3.3   In-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-regoli internazzjonali (l-Artikolu 31(6) tar-Regolament IUU)

(27)

Il-Kummissjoni analizzat kull informazzjoni meqjusa rilevanti fir-rigward tal-istatus ta’ Kiribati bħala parti kontraenti tal-UNCLOS, tal-UNFSA, tad-WCPFC u tal-IATTC.

(28)

Skont l-informazzjoni pprovduta minn Kiribati matul iż-żjara f’Novembru 2015, il-qabdiet tat-tonn fiż-żona ekonomika esklużiva (EEZ) ta’ Kiribati fl-2014 ammontaw għal madwar 600 000 tunnellata metrika (mt).

(29)

Abbażi taċ-ċifri ppreżentati fil-premessa (28) jidher li Kiribati jiġġestixxi riżorsi globali importanti tat-tonn u għalhekk għandu r-responsabbiltà, bħala Stat kostali, li jiżgura l-ġestjoni sostenibbli responsabbli u fit-tul ta’ din ir-riżorsa. L-Artikoli 61 sa 64 tal-UNCLOS u l-Artikoli 7 u 8 tal-UNFSA jirregolaw l-użu tar-riżorsi ħajjin fl-Istat kostali, li għandhom jippromwovu l-objettiv tal-aħjar użu tar-riżorsi ħajjin fl-EEZ tiegħu, u jiżguraw il-konformità taċ-ċittadini ta’ Stati oħrajn li jistadu fl-EEZ tiegħu bil-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni, kif ukoll jikkooperaw mal-Istati rilevanti u mal-organizzazzjonijiet reġjonali involuti f’dak is-sajd.

(30)

F’dan ir-rigward, jidher li l-qafas legali ta’ Kiribati ma jkunx jiżgura l-ġestjoni effiċjenti u effettiva tal-bastimenti li joperaw fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, b’mod li jidher li jikser l-obbligi u r-rakkomandazzjonijiet deskritti fid-dettall fil-premessa (29). Barra minn hekk, jidher li l-qafas legali ma jipprevedix miżuri ċari u trasparenti ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni għal kull tip ta’ ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Kiribati. Il-pjan aġġornat għall-ġestjoni tat-tonn fl-2014 jagħti ħarsa ġenerali komprensiva lejn is-sajd tat-tonn fil-pajjiż iżda jonqos milli jipproponi azzjonijiet ta’ ġestjoni konkreti b’objettivi u parametri referenzjarji ċari.

(31)

Il-prinċipji ġenerali li għandhom jiġu segwiti mill-Istati kostali għall-ġestjoni ta’ stokkijiet ta’ ħut transżonali u li jpassi ħafna huma stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-UNFSA. F’dan ir-rigward, l-Att dwar is-sajd ta’ Kiribati jistabbilixxi bħala objettivi l-promozzjoni ta’ ġestjoni sostenibbli tas-sajd u l-protezzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u l-ambjent tal-baħar. Madankollu, jidher li l-prinċipji stabbiliti fl-UNFSA bħall-approċċ prekawzjonarju, ir-rendiment massimu sostenibbli jew l-evitar ta’ kapaċità tas-sajd żejda u ta’ sajd eċċessiv, mhumiex indirizzati fil-qafas legali.

(32)

L-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjonijiet ta’ Kiribati jissejħu baħar territorjali, ilmijiet arċipelaġiċi u EEZ. Skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tad-WCPFC, il-qasam ta’ kompetenza tad-WPCFC jinkludi, fil-prinċipju, l-ilmijiet kollha tal-Oċean Paċifiku, inklużi l-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Kiribati. Madankollu, jidher li Kiribati jeskludi l-ilmijiet territorjali u arċipelaġiċi tiegħu mill-applikazzjoni tal-VDS, sistema li tillimita l-isforz tas-sajd minn flotta bil-purse seine permezz tal-allokazzjoni ta’ jiem tas-sajd. Għaldaqstant, jidher li l-istrument legali prinċipali għall-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Kiribati ma japplikax għal parti konsiderevoli tal-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu.

(33)

In-nuqqasijiet fir-rigward taċ-ċarezza u t-trasparenza tar-regoli applikabbli ta’ konservazzjoni u ġestjoni deskritti fil-premessi (30) sa (32), inkluż il-kontroll fuq l-isforz tas-sajd skont il-VDS, flimkien mal-aċċess ta’ 360 bastiment tas-sajd barrani kif deskritt fid-dettall fil-premessa (18), jimminaw l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni, u jikkompromettu l-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 61(2) sa (5), fl-Artikolu 62(1) u fl-Artikolu 64 tal-UNCLOS dwar l-aħjar użu tar-riżorsi, permezz ta’ miżuri xierqa ta’ konservazzjoni u ġestjoni.

(34)

Barra minn hekk, skont l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fuq l-Internet, jidher li Kiribati jżomm reġistru internazzjonali tal-bastimenti (7) responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti li jinsabu barra minn Kiribati. Meta wieħed iqis il-livell baxx apparenti ta’ kontroll mill-awtoritajiet kompetenti għall-proċess ta’ reġistrazzjoni u n-nuqqas ta’ rekwiżiti rilevanti bħal dawk stabbiliti fil-punt 14 tal-Linji Gwida tal-FAO għall-prestazzjoni tal-Istat tal-bandiera, Kiribati jkun f’pożizzjoni diffiċli biex jiżgura li l-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Kiribati għandhom rabta ġenwina mal-pajjiż. In-nuqqas ta’ rabta ġenwina bħal din bejn l-Istat u l-bastimenti li jkunu rreġistrati fir-reġistru tiegħu jkun jikser il-kundizzjonijiet stabbiliti għan-nazzjonalità tal-vapuri skont l-Artikolu 91 tal-UNCLOS.

(35)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet kollha li għamel Kiribati, seta’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u (6) tar-Regolament IUU, li hemm indikazzjonijiet qawwija li Kiribati naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tar-regoli, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni internazzjonali.

3.4   Il-limitazzjonijiet speċifiċi ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw

(36)

Ta’ min ifakkar li, skont l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHDI) (8), fl-2015 Kiribati kien meqjus bħala pajjiż medju fir-rigward tal-iżvilupp tal-bniedem (fil-137 post fost 188 pajjiż).

(37)

Għalkemm jista’ jkun hemm limitazzjonijiet speċifiċi ta’ kapaċità b’mod ġenerali fir-rigward tal-kontroll u l-monitoraġġ, il-limitazzjonijiet speċifiċi ta’ Kiribati li ġejjin mil-livell ta’ żvilupp tiegħu ma jistgħux jiġġustifikaw nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qafas legali nazzjonali b’referenza għall-istrumenti internazzjonali biex jiġġieldu, jiskoraġġixxu u jeliminaw l-attivitajiet tas-sajd IUU. Barra minn hekk, jidher li n-nuqqasijiet ta’ sistema ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza jirriżultaw mill-iżbilanċ bejn il-kapaċitajiet limitati ta’ Kiribati għall-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd fl-EEZ tiegħu u d-daqs tal-flotta barranija li għandha aċċess għall-ilmijiet tiegħu.

(38)

Skont is-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġburin mill-Kummissjoni kif ukoll id-dikjarazzjonijiet magħmula minn Kiribati, seta’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU, li l-istatus tal-iżvilupp tal-governanza tas-sajd ta’ Kiribati jista’ jixxekkel mil-livell ta’ żvilupp tiegħu. Madankollu, meta wieħed iqis in-natura tan-nuqqasijiet stabbiliti ta’ Kiribati u l-azzjonijiet meħuda biex titranġa s-sitwazzjoni, il-livell ta’ żvilupp ta’ Kiribati ma jistax jispjega għalkollox jew inkella jiġġustifika l-prestazzjoni globali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, kostali jew tal-port u għall-insuffiċjenza tal-azzjoni tiegħu biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

4.   KONKLUŻJONI DWAR IL-POSSIBBILTÀ TA’ IDENTIFIKAZZJONI BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(39)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu dwar in-nuqqas ta’ Kiribati fil-qadi ta’ dmirijietu skont il-liġi internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq u biex jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU, dak il-pajjiż għandu jiġi nnotifikat, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, bil-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(40)

Skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lil Kiribati bil-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax. Il-Kummissjoni għandha tieħu wkoll id-démarches kollha stipulati fl-Artikolu 32 tar-Regolament IUU fir-rigward ta’ Kiribati. Fl-interess tal-amministrazzjoni tajba, għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien li matulu dak il-pajjiż jista’ jwieġeb bil-miktub għan-notifika u jirranġa s-sitwazzjoni.

(41)

Barra minn hekk, in-notifika lil Kiribati dwar il-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis li ma jikkooperax għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, la tipprekludi u lanqas ma tfisser b’mod awtomatiku li l-Kummissjoni jew il-Kunsill se jieħdu xi azzjoni sussegwenti għall-finijiet tal-identifikazzjoni u tal-istabbiliment ta’ lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Ir-Repubblika ta’ Kiribati għandha tiġi nnotifikata bil-possibbiltà li tiġi identifikata mill-Kummissjoni bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2016.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(2)  http://www.ffa.int/

(3)  Il-Ftehim ta’ Nauru (http://www.ffa.int/node/93#attachments)

(4)  Il-Kodiċi ta’ Kondotta għal sajd responsabbli tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1995.

(5)  L-Att (Nru 6 tal-2010) tar-Repubblika ta’ Kiribati għall-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-iżvilupp tas-sajd ta’ Kiribati u l-kontroll tas-sajd minn bastimenti barranin u għall-finijiet konnessi, emendat mill-Att (Nru 1 tal-2015) tar-Repubblika ta’ Kiribati li jemenda l-Att dwar is-Sajd tal-2010.

(6)  https://www.wcpfc.int/system/files/Conservation%20and%20Management%20Measure-2006-08%20%5BHSB%26I%20Procedures%5D.pdf

(7)  Ir-reġistru tal-bastimenti ta’ Kiribati, http://www.kiribaship.com/EN/Default.aspx

(8)  Informazzjoni miksuba minn http://hdr.undp.org/en/statistics


23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/9


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ April 2016

dwar notifika lil pajjiż terz dwar il-possibbiltà li dan jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

(2016/C 144/06)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32 tiegħu,

Billi:

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (“ir-Regolament IUU”) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

(2)

Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura għall-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward ta’ pajjiżi bħal dawn, l-istabbiliment ta’ lista ta’ tali pajjiżi, it-tneħħija minn dik il-lista, il-pubbliċità ta’ dik il-lista u kull miżura ta’ emerġenza.

(3)

Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-pajjiżi terzi bil-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx. Din in-notifika hija ta’ natura preliminari. In-notifika għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 31 tar-Regolament IUU. Il-Kummissjoni għandha tieħu wkoll id-démarches kollha stabbiliti fl-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-pajjiżi terzi nnotifikati. B’mod partikolari, fin-notifika l-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jsejsu identifikazzjoni bħal din, tagħti l-opportunità lil dawk il-pajjiżi biex jirrispondu u jipprovdu evidenza li tikkontradixxi l-identifikazzjoni jew, fejn ikun xieraq, toffri pjan ta’ azzjoni għat-titjib u miżuri meħudin biex jirrettifikaw is-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti żmien biżżejjed lill-pajjiżi terzi nnotifikati biex iwieġbu għan-notifika u żmien xieraq biex jirranġaw is-sitwazzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni Ewropea għandha tidentifika lill-pajjiżi terzi li hija tqis bħala pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Pajjiż terz għandu jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax jekk jonqos milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, jew milli jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

(5)

L-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx għandha tkun ibbażata fuq ir-rieżami tal-informazzjoni kollha kif inhu stipulat fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament IUU.

(6)

Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, il-Kunsill għandu jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Il-miżuri stabbiliti, inter alia, fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU japplikaw għal dawk il-pajjiżi.

(7)

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament IUU, l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati tal-qabda vvalidati minn pajjiżi terzi li huma Stati tal-bandiera hija soġġetta għal notifika lill-Kummissjoni dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni li l-bastimenti tas-sajd tal-pajjiżi terzi kkonċernati għandhom ikunu konformi magħhom.

(8)

Skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tikkoopera b’mod amministrattiv ma’ pajjiżi terzi f’oqsma li jappartjenu għall-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

2.   PROĊEDURA FIR-RIGWARD TAR-REPUBBLIKA TA’ SIERRA LEONE

(9)

Ir-Repubblika ta’ Sierra Leone (minn issa ‘l quddiem “Sierra Leone”) ma ppreżentatx lill-Kummissjoni n-notifika tagħha bħala Stat tal-bandiera skont l-Artikolu 20 tar-Regolament IUU.

(10)

Bejn l-2014 u l-2016 il-Kummissjoni kkooperat b’mod amministrattiv mal-awtoritajiet ta’ Sierra Leone. Din il-kooperazzjoni kopriet kwistjonijiet li jappartjenu għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni minn Sierra Leone. Din kienet tinvolvi skambju ta’ kummenti bil-fomm u bil-miktub kif ukoll żjara fuq il-post. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja dwar l-arranġamenti ta’ Sierra Leone għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni li magħhom għandhom jikkonformaw il-bastimenti tas-sajd tagħha, kif ukoll il-miżuri meħuda minn Sierra Leone biex timplimenta l-obbligi tagħha fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(11)

Sierra Leone hija membru tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) u tal-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC). Sierra Leone rratifikat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) tal-1982.

(12)

Sabiex tevalwa l-konformità ta’ Sierra Leone mal-obbligi internazzjonali tagħha bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq kif stipulat fil-ftehimiet internazzjonali msemmija fil-premessa (11) u stabbiliti mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO) rilevanti, il-Kummissjoni fittxet. ġabret u analizzat l-informazzjoni kollha meħtieġa.

3.   POSSIBBILTÀ LI R-REPUBBLIKA TA’ SIERRA LEONE TIĠI IDENTIFIKATA BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(13)

Skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet tar-Repubblika ta’ Sierra Leone bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-fini ta’ dan ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-kriterji elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU u d-Dritt Internazzjonali applikabbli.

3.1   Ir-rikorrenza ta’ attivitajiet tas-sajd IUU u l-flussi kummerċjali IUU (l-Artikolu 31(4) tar-Regolament IUU)

(14)

Id-Digriet dwar il-Ġestjoni u l-Iżvilupp tas-Sajd tal-1994 u r-Regolamenti tas-Sajd tal-1995 ikopru biss l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Sierra Leone fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Sierra Leone.

(15)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli pubblikament, kif ukoll tal-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni sabbiliet li hemm evidenza li bastimenti li qabel kienu jtajru l-bandiera ta’ Sierra Leone kienu involuti f’attivitajiet tas-sajd IUU. Dawn il-bastimenti jissemmew fil-listi ta’ bastimenti RFMO IUU (2) bħala li tajru l-bandiera ta’ Sierra Leone wara l-inklużjoni tagħhom f’dawn il-listi (3). Dawn il-bastimenti huma BAROON, GORILERO, KUNLUN, VIKING u YONGDING.

(16)

Hemm indikazzjonijiet qawwija li l-awtorità responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti ma tinformax b’mod sistematiku lill-awtoritajiet tas-sajd dwar ir-reġistrazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd ġodda jew titlob l-istorja tal-kontrolli tas-sajd ta’ dawn il-bastimenti. Bl-istess mod, jidher li l-entità responsabbli għar-reġistru ta’ bastimenti internazzjonali ma tikkonsultax lill-awtoritajiet nazzjonali qabel ma tirreġistra kwalunkwe bastiment tas-sajd li jkun se jopera barra miż-żona ekonomika esklussiva (EEZ) ta’ Sierra Leone. Għalhekk, il-lista ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Sierra Leone tista’ titqies li mhijiex ikkonsolidata: jidher li l-awtorità responsabbli għas-sajd ma għandha l-ebda informazzjoni dwar il-bastimenti tas-sajd ta’ Sierra Leone li joperaw lil hinn mill-EEZ ta’ Sierra Leone, filwaqt li l-awtorità responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti għandha biss informazzjoni parzjali dwar l-istatus tar-reġistru tal-flotta ta’ Sierra Leone. In-nuqqas apparenti ta’ kooperazzjoni bejn l-entità responsabbli għar-reġistru internazzjonali tal-bastimenti u l-awtoritajiet nazzjonali jista’ jitqies li jnaqqas l-abbiltà ta’ Sierra Leone li timmonitorja d-daqs u l-attivitajiet tal-flotta tagħha u potenzjalment tippermetti lil operaturi illegali jużaw il-bandiera ta’ Sierra Leone mingħajr ma jinqabdu.

(17)

Il-Kummissjoni stabbiliet li hemm madwar 50 bastiment tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Sierra Leone li joperaw lil hinn mill-EEZ mingħajr l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet rilevani ta’ Sierra Leone. Dan jidher li jikser id-Deċiżjoni tal-Kabinett nazzjonali tal-2010 li ssospendiet ir-reġistrazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd permezz tar-reġistru internazzjonali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet ta’ Sierra Leone rrikonoxxew li dawn il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Sierra Leone li joperaw lil hinn mill-EEZ mhumiex soġġetti għal monitoraġġ, kontroll u sorveljanza mill-awtorità tas-sajd. Ma jirrappurtawx il-pożizzjoni ġeografika tagħhom liċ-ċentru tal-monitoraġġ tas-sajd ta’ Sierra Leone u ma jaqsmux l-informazzjoni mal-awtoritajiet tas-sajd ta’ Sierra Leone dwar id-dejta fuq il-qabdiet, il-ħatt l-art jew it-trażbord.

(18)

Il-Kummissjoni eżaminat il-miżuri li ħadet Sierra Leone fir-rigward tal-aċċess ta’ prodotti tas-sajd li ġejjin minn sajd IUU fis-suq tiegħu. Il-bastimenti ta’ Sierra Leone li joperaw lil hinn mill-EEZ ta’ Sierra Leone mhuma soġġetti għall-ebda forma ta’ kontroll mill-awtoritajiet ta’ Sierra Leone. Dawn il-bastimenti ma jirrappurtaw u ma jittrażmettu l-ebda informazzjoni rigward l-attivitajiet, il-ħatt l-art u t-trażbord tagħhom lill-awtoritajiet ta’ Sierra Leone. Għaldaqstant, x’aktarx li t-traċċabbiltà tal-ħut jew tal-prodotti tal-ħut li jkunu ġejjin minn dawn il-bastimenti ma tistax tiġi garantita.

(19)

Il-prestazzjoni ta’ Sierra Leone deskritta fil-premessi (15) sa (18) mhijiex konformi mal-Artikoli 94(1) u (2) tal-UNCLOS li jistipula li kull Stat għandu jiżgura b’mod effettiv il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu fuq il-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu. Barra dan, ma tikkonformax mal-punt 24 tal-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) maħsub biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IPOA IUU), li jistipula l-obbligu li jitwettaq kontroll effettiv u komprensiv ta’ attivitajiet tas-sajd, u mal-punt 35 tal-IPOA IUU li jistipula Stat tal-bandiera għandu jiżgura li, qabel ma jirreġistra bastiment, dan jista’ jeżerċita r-responsabbiltà tiegħu biex jiżgura li l-bastiment ma jkunx involut f’sajd IUU. Tmur ukoll kontra l-punt 36 tal-IPOA IUU, li jistipula li l-Istati tal-bandiera għandhom jevitaw li jirreġistraw taħt il-bandiera tagħhom, bastimenti li jkollhom storja ta’ nuqqas ta’ konformità u l-punt 42 tal-IPOA IUU li jistipula li kull Stat għandu jżomm reġistru ta’ vapuri li jkun fih l-ismijiet u d-dettalji tal-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu. Naqset ukoll milli tikkonforma mal-punt 71 tal-IPOA IUU li javża lill-Istati biex jieħdu passi biex itejbu t-trasparenza tas-swieq tagħhom sabiex jiżguraw it-traċċabbiltà tal-ħut jew tal-prodotti tal-ħut. Bl-istess mod, naqset milli tikkonforma mal-Artikolu 11 tal-Kodiċi ta’ Kondotta għas-Sajd Responsabbli tal-FAO (il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO) li jistabbilixxi prattiki tajba għal wara l-qabda u għall-kummerċ internazzjonali responsabbli.

(20)

Fid-dawl tal-fatti ppreżentati f’din it-Taqsima tad-Deċiżjoni u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha magħmula mill-pajjiż, seta’ jiġi stabbilit li, skont l-Artikolu 31(3), (4)(a) u (4)(b) tar-Regolament IUU, hemm indikazzjonijiet qawwija li Sierra Leone naqset milli taqdi dmirijietha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali u tas-suq fir-rigward tal-bastimenti IUU u tas-sajd IUU mwettaq jew appoġġat mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha jew miċ-ċittadini tagħha u milli tipprevjeni l-aċċess tal-prodotti tas-sajd li joriġinaw mis-sajd IUU għas-suq tagħha.

3.2   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni u ta’ infurzar (l-Artikolu 31(5) tar-Regolament IUU)

(21)

Filwaqt li l-awtoritajiet tas-sajd ta’ Sierra Leone ġeneralment ikkooperaw mal-Kummissjoni u wieġbu għal talbiet għal informazzjoni u pprovdew feedback, il-kapaċità tagħhom li jwieġbu għal ċerti talbiet kienet limitata mill-istatus tar-reġistru internazzjonali u min-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn l-entità responsabbli tar-reġistru internazzjonali tal-bastimenti u l-awtoritajiet nazzjonali, kif stabbilit fit-Taqsima 3.1.

(22)

Sierra Leone hija Stat kostali importanti fl-Afrika tal-Punent, u l-ilmijiet tagħha huma żoni rikki ta’ sajd li jattiraw il-bastimenti minn pajjiżi terzi. F’Novembru 2015, 155 bastiment li jtajru bandiera barranija kienu liċenzjati biex jistadu fl-ilmijiet ta’ Sierra Leone. Dawn il-bastimenti kollha, għajr il-bastimenti tat-tonn għandhom osservatur abbord. Mhux il-bastimenti kollha għandhom sistema għall-monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) abbord. Mingħajr kopertura ta’ osservazzjoni kompleta fuq il-komponenti kollha tal-flotta u mingħajr VMS fuq il-bastimenti industrijali kollha, Sierra Leone ma tistax tikkontrolla b’mod affidabbli li l-ebda bastimenti ma jkunu involuti f’attivitajiet tas-sajd IUU. L-għadd ta’ liċenzji mogħtija jista’ jitqies li mhuwiex konformi la mal-kapaċità tal-kontroll u lanqas mar-riżorsi disponibbli.

(23)

Sierra Leone hija wkoll Stat tal-bandiera importanti li jopera reġistru internazzjonali u li jattira bastimenti minn pajjiżi terzi li ma għandhom l-ebda rabta diretta mal-pajjiż. Kif spjegat fil-premessa (17), dawn il-bastimenti joperaw lil hinn mill-EEZ ta’ Sierra Leone, fl-ibħra miftuħa u fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni stabbiliet li, filwaqt li Sierra Leone tikkoopera mal-pajjiżi tas-sottoreġjun permezz tal-Kummissjoni Subreġjonali tas-Sajd (SRFC), jidher li ma tikkooperax ma’ pajjiżi terzi barra mir-reġjun fejn joperaw il-bastimenti tas-sajd ta’ Sierra Leone. Dan in-nuqqas ta’ kooperazzjoni jista’ jkun dovut għall-fatt li l-awtoritajiet ta’ Sierra Leone jidhru li għandhom ftit jew xejn informazzjoni dwar il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Sierra Leone u li joperaw barra mill-EEZ nazzjonali.

(24)

Il-qafas legali nazzjonali dwar is-sajd (4) huwa skadut u jeħtieġ reviżjoni biex jiżgura li jkun hemm konsistenza bejn il-liġi nazzjonali u r-regoli internazzjonali u reġjonali applikabbli. Id-definizzjoni tal-attivitajiet tas-sajd tinkludi t-tiftix għall-ħut kif ukoll il-qbid, it-teħid jew il-ġbir tiegħu kif ukoll kwalunkwe attività b’appoġġ jew bi preparazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet, inkluż permezz tal-użu ta’ inġenji tal-ajru. Id-definizzjoni ta’ bastimenti tas-sajd tinkludi bastimenti li jwettqu attivitajiet relatati mas-sajd. L-attivitajiet relatati mas-sajd jinkludu t-trażbord, il-ħżin, l-ipproċessar, it-trasportazzjoni u r-riforniment tal-fjuwil u l-forniment ta’ bastimenti tas-sajd. Madankollu, dawn it-testi ma jipprovdux definizzjoni speċifika tal-attivitajiet tas-sajd IUU jew tal-ksur serju kif definit skont id-dritt internazzjonali, u ma jipprevedux b’mod ċar miżuri ta’ infurzar u sanzjonijiet għall-attivitajiet imwettqa minn bastimenti ta’ Sierra Leone barra mill-ġurisdizzjoni ta’ Sierra Leone jew minn ċittadini li jappoġġaw is-sajd IUU jew huma involuti fih. Hemm indikazzjonijiet qawwija li s-sistema tas-sanzjonijiet ta’ Sierra Leone mhijiex ta’ deterrent u mhijiex proporzjonata, f’konformità mal-obbligi internazzjonali. Il-valur tal-multi mhuwiex marbut mal-valur tal-ħut maqbud illegalment u bħala tali ma jċaħħadx sistematikament lit-trasgressuri mill-benefiċċji li jakkumulaw mill-attivitajiet illegali tagħhom. Il-valur tal-multi mhuwiex marbut mal-ħsara kkawżata lir-riżorsi tas-sajd u lill-ambjent.

(25)

Iċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet Konġunti (JOC) huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza tas-sajd (MCS). Permezz ta’ finanzjament minn proġetti internazzjonali, il-JOC ingħata r-riżorsi meħtieġa biex iwettaq il-funzjonijiet tal-MCS. Madankollu, minħabba l-finanzjament limitat l-operattività tal-JOC tidher li hija ristretta, mingħajr baġit jew b’baġit inadegwat maħsub biex ikopri l-ispejjeż operattivi tal-JOC. Għaldaqstant, Sierra Leone tidher li hija nieqsa mir-riżorsi materjali u finanzjarji biex tiġġieled kontra s-sajd IUU.

(26)

Il-qafas legali u l-miżuri ta’ infurzar fi Sierra Leone ma jikkonformawx mar-rekwiżiti bażiċi fl-Artikoli 61, 62 u 117 sa 119 tal-UNCLOS. Il-fatti deskritti fil-premessi (20) sa (24) jindikaw li Sierra Leone naqset li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 94 tal-UNCLOS li jistipula li Stat tal-bandiera jassumi l-ġurisdizzjoni skont id-dritt intern tiegħu fuq kull vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu u fuq il-kaptan, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ tiegħu. Jidher li Sierra Leone naqset milli turi li għandha fis-seħħ sistema tas-sanzjonijiet xierqa biex tiġġieled kontra l-IUU kif irrakkomandat fil-punt 21 tal-IPOA IUU. Jidher ukoll li Sierra Leone naqset milli tqis ir-rakkomadazzjonijiet fil-punt 24 tal-IPOA IUU li jirrakkomanda lill-Istati tal-bandiera biex jiżguraw il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza komprensivi u effettivi tas-sajd, mill-punt tal-ħatt l-art sad-destinazzjoni finali, inkluż billi jimplimentaw is-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS) skont l-istandards nazzjonali, reġjonali u internazzjonali rilevanti.

(27)

Fid-dawl tal-fatti ppreżentati f’din it-Taqsima tad-Deċiżjoni u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha li saru mill-pajjiż, jista’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u (5) tar-Regolament IUU, li hemm indikazzjonijiet qawwija li Sierra Leone naqset milli taqdi dmirijietha skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tal-kooperazzjoni u tal-infurzar.

3.3   In-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-regoli internazzjonali (l-Artikolu 31(6) tar-Regolament IUU)

(28)

Sierra Leone rratifikat l-UNCLOS fl-1994 u hija parti kontraenti għall-ICCAT u għall-IOTC.

(29)

Mill-2009 sal-2012, Sierra Leone ġiet identifikata mill-ICCAT bħala mhux konformi. L-istatus identifikat tneħħa fl-2013, iżda s-sitwazzjoni fis-sena 2014 qajmet tħassib billi l-ICCAT ma rċeviet l-ebda rapporti annwali jew tabelli ta’ konformità fl-2015. Diversi kwistjonijiet ripetuti ta’ konformità ġew ukoll identifikati fir-Rapport ta’ Konformità tal-IOTC għal Sierra Leone, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ konformità ġenerali mal-miżuri tal-IOTC u mal-obbligi li tipprovdi rapporti u informazzjoni f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet 12/11, 01/06, 10/09, SC04 u S17. Sierra Leone hija biss parti kontraenti għall-ICCAT u għall-IOTC, u għall-ebda RFMO oħra, u dan minkejja l-istruttura u ż-żona ta’ operazzjoni tal-flotta tal-bastimenti tas-sajd ta’ Sierra Leone.

(30)

Il-kwistjonijiet ta’ konformità ta’ Sierra Leone fl-ICCAT u fl-IOTC juru li Sierra Leone naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha bħala Stat tal-bandiera stabbiliti fl-Artikolu 94 tal-UNCLOS u fil-punt 24 tal-IPOA IUU.

(31)

Sierra Leone ma rratifikat l-ebda strument legali internazzjonali relatat mal-ġestjoni tas-sajd ħlief l-UNCLOS. Il-prestazzjoni ta’ Sierra Leone fl-implimentazzjoni tal-istrumenti internazzjonali mhijiex skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-punt 11 tal-IPOA IUU li jħeġġu lill-Istati, bħala kwistjoni ta’ prijorità, biex jirratifikaw, jaċċettaw jew jaderixxu għall-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-UNCLOS dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna (UNFSA) u l-Ftehim ta’ Osservanza tal-FAO. Barra minn hekk, tmur kontra l-punt 14 li jistipula li l-Istati għandhom jimplimentaw b’mod sħiħ u effettiv il-Kodiċi ta’ Kondotta u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Internazzjonali assoċjati miegħu.

(32)

Barra dan, filwaqt li m’hemm l-ebda port iddedikat għas-sajd fi Sierra Leone, il-bastimenti tas-sajd jiżbarkaw direttament fuq il-pontijiet tal-imbark tal-kumpaniji jew fil-port kummerċjali. Sierra Leone ma rratifikatx il-Ftehim tal-FAO dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port tal-2009 (PSMA).

(33)

Għall-kuntrarju tar-rakkomandazzjonijiet fil-punti 25 sa 27 tal-IPOA IUU, Sierra Leone ma żviluppatx pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra s-sajd IUU.

(34)

Barra minn hekk, kif issemma fil-premessa (17), il-ġestjoni tar-reġistru internazzjonali ta’ Sierra Leone ssir minn kumpanija privata li tinsab barra minn Sierra Leone, u Sierra Leone tidher li naqset milli tiżgura li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha għandhom rabta ġenwina mal-pajjiż. Dan imur kontra l-Artikolu 91 tal-UNCLOS li jistipula li għandha teżisti rabta ġenwina bejn l-Istat tal-bandiera u l-vapuri tiegħu.

(35)

Fid-dawl tal-fatti ppreżentati f’din it-Taqsima tad-Deċiżjoni u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha li għamel il-pajjiż, jista’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u (6) tar-Regolament IUU, li hemm indikazzjonijiet qawwija li Sierra Leone naqset milli taqdi dmirijietha skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tar-regoli, tar-regolamenti u tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni internazzjonali.

3.4   Il-limitazzjonijiet speċifiċi ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw

(36)

Skont l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHDI) (5), fl-2015 Sierra Leone kienet meqjusa bħala pajjiż medju fir-rigward tal-iżvilupp tal-bniedem (fil-181 post fost 188 pajjiż).

(37)

Għalkemm jista’ jkun hemm limitazzjonijiet speċifiċi ta’ kapaċità fir-rigward tal-monitoraġġ, tal-kontroll u tas-sorveljanza, il-limitazzjonijiet speċifiċi ta’ Sierra Leone li ġejjin mil-livell ta’ żvilupp tagħha ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqasijiet identifikati fit-taqsimiet preċedenti. Dan jikkonċerna speċjalment ir-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd skont ir-reġistru internazzjonali ta’ Sierra Leone u n-nuqqas ta’ għarfien dwar dawn il-bastimenti.

(38)

Jidher li n-nuqqasijiet idenifikati jirriżultaw prinċipalment mill-ambjent amministrattiv mhux adegwat biex jiżgura li Sierra Leone twettaq id-dmirijiet tagħha b’mod effiċjenti u effettiv bħala Stat tal-bandiera, kostali, tal-port u tas-suq. Sjerra Leone rċeviet appoġġ minn inizjattivi reġjonali maħsuba biex isaħħu l-governanza u l-ġlieda kontra s-sajd IUU, inkluż permezz ta’ titjib tal-MCS. Madankollu, dan il-finanzjament ġie sospiż fl-2015 minħabba tħassib dwar il-governanza u mingħajr dawn il-fondi l-JOC ta’ Sierra Leone ma jistax jopera b’mod effettiv.

(39)

Fid-dawl tal-fatti ppreżentati f’din it-Taqsima tad-Deċiżjoni u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet li għamel il-pajjiż, seta’ jkun stabbilit, skont l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU, li l-istatus ta’ żvilupp u l-prestazzjoni globali ta’ Sierra Leone fir-rigward tal-ġestjoni tas-sajd jistgħu jiddgħajfu mil-livell ta’ żvilupp tagħha. Madankollu, meta wieħed iqis in-natura tan-nuqqasijiet stabbiliti ta’ Sierra Leone, il-livell ta’ żvilupp ta’ Sierra Leone ma jistax jiskuża għalkollox jew inkella jiġġustifika l-prestazzjoni globali tagħha bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq fir-rigward tas-sajd u l-insuffiċjenza tal-azzjonijiet tagħha biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU.

4.   KONKLUŻJONI DWAR IL-POSSIBBILTÀ TA’ IDENTIFIKAZZJONI BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(40)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu dwar in-nuqqas ta’ Sierra Leone milli taqdi l-obbligi tagħha skont il-liġi internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq u milli tieħu azzjoni biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU, dan il-pajjiż għandu jiġi nnotifikat, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, bil-possibbiltà li l-Kummissjoni tidentifikah bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(41)

Skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lil Sierra Leone bil-possibbiltà li tiġi identifikata bħala pajjiż terz li ma jikkooperax. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-démarches kollha stipulati fl-Artikolu 32 tar-Regolament IUU fir-rigward ta’ Sierra Leone. Fl-interess tal-amministrazzjoni tajba, għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien li matulu dak il-pajjiż jista’ jwieġeb bil-miktub għan-notifika u jirranġa s-sitwazzjoni.

(42)

Barra minn hekk, in-notifika lil Sierra Leone dwar il-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis li ma jikkooperax għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, la tipprekludi u lanqas ma tfisser b’mod awtomatiku li l-Kummissjoni jew il-Kunsill se jieħdu xi azzjoni sussegwenti għall-finijiet tal-identifikazzjoni u tal-istabbiliment ta’ lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Ir-Repubblika ta’ Sierra Leone għandha tiġi nnotifikata bil-possibbiltà li tiġi identifikata mill-Kummissjoni bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2016.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(2)  L-RFMO rilevanti huma CCAMLR, SEAFO, GFCM, NEAFC, NAFO u IOTC. Informazzjoni miksuba minn: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32015R1296

(3)  Ara l-Parti B tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 468/2010

(4)  Id-Digriet dwar il-Ġestjoni u l-Iżvilupp tas-Sajd tal-1994 u r-Regolamenti tas-Sajd tal-1995.

(5)  Informazzjoni miksuba minn: http://hdr.undp.org/sites/default/files/2015_human_development_report_1.pdf


23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/14


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ April 2016

dwar notifika lil pajjiż terz dwar il-possibbiltà li dan jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

(2016/C 144/07)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32 tiegħu,

Billi:

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (“ir-Regolament IUU”) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

(2)

Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura għall-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward ta’ pajjiżi bħal dawn, l-istabbiliment ta’ lista ta’ tali pajjiżi, it-tneħħija minn dik il-lista, il-pubbliċità ta’ dik il-lista u kull miżura ta’ emerġenza.

(3)

Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-pajjiżi terzi bil-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx. Din in-notifika hija ta’ natura preliminari. In-notifika għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 31 tar-Regolament IUU. Il-Kummissjoni għandha tieħu wkoll id-démarches kollha stabbiliti fl-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-pajjiżi terzi nnotifikati. B’mod partikolari, fin-notifika l-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jsejsu identifikazzjoni bħal din, tagħti l-opportunità lil dawk il-pajjiżi biex jirrispondu u jipprovdu evidenza li tikkontradixxi l-identifikazzjoni jew, fejn ikun xieraq, toffri pjan ta’ azzjoni għat-titjib u miżuri meħudin biex jirrettifikaw is-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti żmien biżżejjed lill-pajjiżi terzi nnotifikati biex iwieġbu għan-notifika u żmien xieraq biex jirranġaw is-sitwazzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni Ewropea għandha tidentifika lill-pajjiżi terzi li hija tqis bħala pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Pajjiż terz għandu jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax jekk jonqos milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, jew milli jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

(5)

L-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx għandha tkun ibbażata fuq ir-rieżami tal-informazzjoni kollha kif inhu stipulat fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament IUU.

(6)

Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, il-Kunsill għandu jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Il-miżuri stabbiliti, inter alia, fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU japplikaw għal dawk il-pajjiżi.

(7)

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament IUU, l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati tal-qabda vvalidati minn pajjiżi terzi li huma Stati tal-bandiera hija soġġetta għal notifika lill-Kummissjoni dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni li l-bastimenti tas-sajd tal-pajjiżi terzi kkonċernati għandhom ikunu konformi magħhom.

(8)

Skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tikkoopera b’mod amministrattiv ma’ pajjiżi terzi f’oqsma li jappartjenu għall-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

2.   PROĊEDURA FIR-RIGWARD TAR-REPUBBLIKA TA’ TRINIDAD U TOBAGO

(9)

Ir-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago (minn issa ‘l quddiem “Trinidad u Tobago”) ma ppreżentatx lill-Kummissjoni n-notifika tagħha bħala Stat tal-bandiera skont l-Artikolu 20 tar-Regolament IUU.

(10)

Bejn l-2014 u l-2016 il-Kummissjoni kkooperat b’mod amministrattiv mal-awtoritajiet ta’ Trinidad u Tobago. Din il-kooperazzjoni kopriet kwistjonijiet li jappartjenu għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni minn Trinidad u Tobago. Din kienet tinvolvi skambju ta’ kummenti bil-fomm u bil-miktub kif ukoll żjarat fuq il-post. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja dwar l-arranġamenti ta’ Trinidad u Tobago għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni li magħhom għandhom jikkonformaw il-bastimenti tas-sajd tiegħu, kif ukoll il-miżuri meħuda minn Trinidad u Tobago biex jimplimenta l-obbligi tiegħu fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(11)

Trinidad u Tobago huwa parti kontraenti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) tal-1982, għall-Ftehim tal-1995 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna (UNFSA) u għall-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT).

(12)

Sabiex tevalwa l-konformità ta’ Trinidad u Tobago mal-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq kif stipulat fil-ftehimiet internazzjonali msemmija fil-premessa (11) u stabbiliti mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO) rilevanti, il-Kummissjoni fittxet, ġabret u analizzat l-informazzjoni kollha meħtieġa.

3.   POSSIBBILTÀ LI R-REPUBBLIKA TA’ TRINIDAD U TOBAGO TIĠI IDENTIFIKATA BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(13)

Il-Kummissjoni analizzat l-obbligi tat-Trinidad u Tobago bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament IUU. Għall-fini ta’ dan ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-kriterji elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU u d-Dritt Internazzjonali applikabbli.

3.1   Ir-rikorrenza ta’ attivitajiet tas-sajd IUU u l-flussi kummerċjali IUU (l-Artikolu 31(4) tar-Regolament IUU)

(14)

Għar-raġunijiet deskritti hawn taħt u fit-Taqsima 3.2, il-qafas legali għall-ġestjoni tas-sajd ta’ Trinidad u Tobago, ibbażat b’mod partikolari fuq l-Att dwar is-sajd tal-1916 (2) u l-Att tal-1986 dwar l-ilmijiet arċipelaġiċi u ż-żona ekonomika esklussiva (3), ma jidhirx li jistabbilixxi miżuri għall-kontroll effettiv fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Trinidad u Tobago u l-bastimenti ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet u fil-portijiet ta’ Trinidad u Tobago.

(15)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni matul iż-żjara tagħha fuq il-post u tal-informazzjoni disponibbli pubblikament, hemm indikazzjonijiet qawwija li Trinidad u Tobago mhuwiex f’pożizzjoni li jipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-ispeċijiet li jpassu ħafna maqbuda mill-flotta tas-sajd tiegħu fl-ibħra miftuħa jew il-prodotti tas-sajd li nħattu l-art jew ġew ittrażbordati fil-portijiet tiegħu u x’kienu l-flussi kummerċjali ta’ dawn il-prodotti.

(16)

Meta jitqies in-nuqqas apparenti ta’ traċċabbiltà u n-nuqqas ta’ informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ta’ Trinidad u Tobago dwar il-ħut li nħatt l-art jew li ġie ttrażbordat fil-portijiet tiegħu, x’aktarx li Trinidad u Tobago ma jirnexxilux jiżgura li l-kummerċ ta’ prodotti tas-sajd imwettaq f’dan il-pajjiż ma joriġinax minn sajd IUU.

(17)

F’dan ir-rigward, jidher li Trinidad u Tobago jonqos milli jikkonforma mal-obbligu tal-Istat tal-port li jieħu azzjoni biex jippromwovi l-effikaċja tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni internazzjonali, inklużi l-ispezzjonijiet fil-port ta’ dokumenti, irkaptu jew qabdiet u l-projbizzjoni ta’ ħatt l-art u ta’ trażbord fejn ikun ġie stabbilit li l-qabda kienet saret b’mod li timmina l-effikaċja ta’ dawk il-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni internazzjonali, kif stabbiliti fl-Artikolu 23 tal-UNFSA. Jidher li Trinidad u Tobago naqas milli jqis ir-rakkomandazzjonijiet fil-punt 24 tal-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IPOA IUU), li javża lill-Istati tal-bandiera biex jiżguraw li s-sajd jiġi mmonitorjat, ikkontrollat u ssorveljat b’mod komprensiv u effettiv, mill-punt ta’ ħatt l-art sad-destinazzjoni finali, u l-punt 71 tal-IPOA IUU li javża lill-Istati biex jieħdu passi sabiex itejbu t-trasparenza tas-swieq tagħhom biex jiżguraw it-traċċabbiltà tal-ħut jew tal-prodotti tal-ħut. Bl-istess mod, jidher li ma jikkonformax mal-Artikolu 11 tal-Kodiċi ta’ Kondotta għas-Sajd Responsabbli tal-FAO (il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO) li jistabbilixxi prattiki tajba għal wara l-qabda u għall-kummerċ internazzjonali responsabbli.

(18)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġburin mill-Kummissjoni, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet li saru minn Trinidad u Tobago, seta’ jiġi stabbilit li, skont l-Artikolu 31(3) u 31(4)(a) u (b) tar-Regolament IUU, hemm indikazzjonijiet qawwija li Trinidad u Tobago naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera u tas-suq biex jipprevjeni l-aċċess tal-prodotti tas-sajd li ġejjin mis-sajd IUU lejn is-suq tiegħu.

3.2   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni u ta’ infurzar (l-Artikolu 31(5) tar-Regolament IUU)

(19)

Filwaqt li l-awtoritajiet ta’ Trinidad u Tobago kienu ġeneralment kooperattivi biex iwieġbu u jipprovdu rispons għat-talbiet għall-informazzjoni, l-affidabbiltà u l-korrettezza tat-tweġibiet tagħhom kienu mminati u kompromessi mill-qafas legali skadut, li jidher li mhuwiex konformi mal-impenji tad-dritt internazzjonali tiegħu u n-nuqqas ta’ trasparenza fis-sistema ta’ ġestjoni tas-sajd tiegħu (kif imsemmi fit-Taqsima 3(1) u deskritt fil-premessi (20) sa (23)). L-awtoritajiet ta’ Trinidad u Tobago ssottomettew abbozz ta’ liġi ġdida dwar il-ġestjoni tas-sajd li, madankollu, għadha ma setgħetx titqies konformi mal-impenji internazzjonali tiegħu.

(20)

Trinidad u Tobago huwa Stat tal-port ewlieni fir-reġjun tal-Karibew tal-Lvant. Il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi terzi jħottu l-art u jittrażbordaw l-ispeċijiet transżonali u li jpassu ħafna fil-portijiet ta’ Trinidad u Tobago. Minkejja dan il-fatt, jidher li ma hemmx kooperazzjoni formali jew informali ma’ dawk il-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet ta’ Trinidad u Tobago ma kinux kapaċi jipprovdu informazzjoni dwar liema pajjiżi terzi huma involuti f’dawn l-attivitajiet fil-portijiet tiegħu.

(21)

Il-qafas legali tas-sajd skadut ma jinkludix prinċipji u miżuri ġenerali għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd kif meħtieġ skont id-dritt internazzjonali applikabbli. Barra minn hekk, il-qafas legali ta’ Trinidad u Tobago ma jindirizzax l-attivitajiet tas-sajd IUU. F’dan ir-rigward, il-qafas legali attwali ma fihx definizzjoni ta’ ksur serju u lista komprensiva ta’ reati serji indirizzati b’sanzjonijiet severi proporzjonati. Il-valur tal-multi mhuwiex marbut mal-valur tal-ħut maqbud illegalment u bħala tali ma jċaħħadx sistematikament lit-trasgressuri mill-benefiċċji li jakkumulaw mill-attivitajiet illegali tagħhom. Għaldaqstant, is-sistema tas-sanzjonijiet kif inhi llum mhijiex komprensiva u severa biżżejjed biex twettaq il-funzjoni tagħha ta’ deterrent.

(22)

Id-Diviżjoni tas-Sajd fi ħdan il-Ministeru tal-Agrikoltura, l-Art u s-Sajd ma tinkludix unità għall-monitoraġġ, is-sorveljanza u l-infurzar tas-sajd. Jidher li l-attivitajiet tas-sajd minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Trinidad u Tobago, iseħħu fejn iseħħu, u minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet u fil-portijiet ta’ Trinidad u Tobago, mhumiex ikkontrollati. Mhux il-bastimenti semiindustrijali u industrijali kollha li jtajru l-bandiera ta’ Trinidad u Tobago (ta’ aktar minn 24 m) huma mgħammra b’sistema għall-monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) u l-ġurnali ta’ abbord mhumiex obbligatorji. Ma hemm l-ebda programm ta’ osservatur. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda ċentru ta’ monitoraġġ tas-sajd operazzjonali.

(23)

Minħabba n-nuqqas ta’ qafas legali adegwat u ta’ mezzi ta’ kontroll, huwa improbabbli ferm li jitwettaq infurzar effettiv. Jidher li l-unika informazzjoni li waslet għand l-awtoritajiet ta’ Trinidad u Tobago huma r-rapporti dwar il-vjaġġi tas-sajd li jimtlew u jiġu sottomessi mill-operaturi. Fis-sitwazzjoni attwali, l-istorja, in-natura, iċ-ċirkostanzi, id-dimensjoni u l-gravità tal-attivitajiet tas-sajd IUU ma setgħux jiġu analizzati b’mod xieraq.

(24)

In-nuqqasijiet ta’ Trinidad u Tobago deskritti fil-premessa (20) jżommuh milli jikkonforma mal-Artikoli 63, 64, 117 sa 119 tal-UNCLOS, li tistabbilixxi l-obbligu li l-Istati kollha jikkooperaw fil-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, inklużi l-istokkijiet ta’ ħut transżonali u speċijiet li jpassu ħafna. L-Artikoli 7, 8 u 20 tal-UNFSA jkomplu jiżviluppaw l-obbligu tal-Istati li jikkooperaw, rispettivament fl-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni kompatibbli u fl-iżgurar tal-konformità u tal-infurzar ta’ dawn il-miżuri. Dan huwa speċifikat aktar fil-punti 28 u 51 tal-IPOA IUU, li jistabbilixxu prattiki ddettaljati għall-kooperazzjoni diretta bejn l-Istati, inkluż l-iskambju tad-dejta jew tal-informazzjoni li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-Istati kostali.

(25)

Il-qafas legali, inklużi l-miżuri ta’ infurzar, ta’ Trinidad u Tobago jidher li ma jikkonformax mar-rekwiżiti bażiċi fl-Artikoli 61, 62 u 117 sa 119 tal-UNCLOS u fl-Artikoli 5 sa 23 tal-UNFSA. Il-fatti deskritti fil-premessi (21) sa (23) jindikaw li Trinidad u Tobago naqas milli jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 94 tal-UNCLOS li jistipula li Stat tal-bandiera jassumi l-ġurisdizzjoni skont il-liġi interna tiegħu fuq kull vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu u fuq il-kaptan, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ tiegħu. L-imġiba deskritta ta’ Trinidad u Tobago fir-rigward tal-bastimenti tiegħu tmur ukoll kontra l-Artikolu 18(3) tal-UNFSA li jistipula miżuri li jridu jittieħdu minn Stat fir-rigward tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu. Barra dan, Trinidad u Tobago ma jissodisfax l-obbligi tiegħu ta’ konformità u infurzar bħala Stat tal-bandiera stipulati fl-Artikolu 19 tal-UNFSA billi jidher li naqas milli juri li aġixxa u opera skont ir-regoli dettaljati stabbiliti f’dak l-Artikolu. B’mod partikolari, l-iskema tas-sanzjonijiet tidher li mhijiex konformi mal-Artikolu 19(2) tal-UNFSA li jistabbilixxi li s-sanzjonijiet applikabbli fir-rigward ta’ ksur għandhom ikunu severi biżżejjed biex jiżguraw il-konformità u biex jiskoraġġixxu l-ksur kull fejn iseħħ u għandhom iċaħħdu lit-trasgressuri mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet illegali tagħhom. Jidher ukoll li Trinidad u Tobago naqas milli jqis ir-rakkomadazzjonijiet fil-punt 24 tal-IPOA IUU li javża lill-Istati tal-bandiera biex jiżguraw il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza komprensivi u effettivi tas-sajd, mill-punt tal-ħatt l-art sad-destinazzjoni finali, inkluż billi jimplimentaw il-VMS skont l-istandards nazzjonali, reġjonali u internazzjonali rilevanti.

(26)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha li saru mill-pajjiż, jista’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u 31(5) tar-Regolament IUU, li hemm indikazzjonijiet qawwija li Trinidad u Tobago naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera fir-rigward tal-isforzi għall-kooperazzjoni u għall-infurzar.

3.3   In-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-regoli internazzjonali (l-Artikolu 31(6) tar-Regolament IUU)

(27)

Il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni kollha meqjusa rilevanti fir-rigward tal-istatus ta’ Trinidad u Tobago bħala parti kontraenti tal-UNCLOS, tal-UNFSA u tal-ICCAT.

(28)

Mill-2011, l-ICCAT ikkomunikat uffiċjalment lill-awtoritajiet ta’ Trinidad u Tobago (4) li dan il-pajjiż ma kienx jikkonforma b’mod sħiħ u effettiv mal-obbligi tiegħu skont ir-Rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT (partikolarment, ir-Rakkomandazzjoni 05-09 dwar il-konformità mal-obbligi ta’ rapportar tal-istatistika, ir-Rakkomandazzjonijiet 06-09 u 12-04 maħsuba biex ikomplu jsaħħu l-pjan biex jerġgħu jiġu kostitwiti l-istokkijiet tal-marlin blu u tal-marlin abjad, u r-Rakkomandazzjoni 13-02 dwar il-konservazzjoni tal-pixxispad tal-Atlantiku tat-Tramuntana). Barra minn hekk, l-ICCAT innotat in-nuqqasijiet li ġejjin għal Trinidad u Tobago: 1) Id-dejta tal-Kompitu I dwar il-karatteristiċi tal-flotta ma ġietx ippreżentata; 2) Id-dejta tal-Kompitu II dwar id-daqs tal-qabdiet ma ġietx ippreżentata; 3) It-tabelli ta’ konformità ma ġewx ippreżentati; 4) Ma ġie ppreżentat l-ebda pjan ta’ żvilupp jew ġestjoni tas-sajd għall-pixxispad; 5) L-ICCAT ma ngħatatx tweġiba għall-ittra ta’ tħassib tagħha tal-2014; 6) Il-lista ta’ bastimenti tat-tonn obeż/tat-tonna safra waslet wara d-data tal-iskadenza; 7) Ir-rapport annwali mill-kumitat permanenti dwar ir-riċerka u l-istatistika (SCRS) wasal tard; 8) Issoktar u żieda ta’ sajd eċċessiv tal-kastardell. L-issoktar ta’ sajd eċċessiv konsiderevoli tal-marlin abjad u tal-marlin blu, in-nuqqas ta’ miżuri ta’ ġestjoni nazzjonali għal dan is-sajd, in-nuqqas ta’ konformità mal-ġurnal ta’ abbord u mar-rekwiżiti ta’ monitoraġġ tal-kummerċ, wasslu lill-ICCAT biex toħroġ ittra ta’ identifikazzjoni fl-2015 (5).

(29)

Kif ġie enfasizzat mill-Kumitat ta’ Konformità tal-ICCAT, dawn “il-problemi ta’ nuqqas ta’ rappurtar, preżentazzjonijiet tard, rappurtar mhux komplut, u dejta ta’ kwalità fqira jkomplu jfixklu l-ħidma tal-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika (SCRS) fit-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-istokkijiet u fil-formulazzjoni ta’ pariri ta’ ġestjoni. Ir-rappurtar tard jew mhux komplut jikkawża diffikultajiet għas-Segretarjat fit-tħejjija ta’ dokumenti għall-Kummissjoni u għall-kumitati u l-gruppi tagħha, u jnaqqas l-effiċjenza tal-Kumitat ta’ Konformità”.

(30)

Trinidad u Tobago la huwa parti kontraenti u lanqas parti mhux kontraenti li tikkoopera tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Marittimi Ħajjin Antartiku (CCAMLR). Madankollu, is-CCAMLR identifikat lill-pajjiż għall-2012-2013 bħala parti mhux kontraenti possibbilment involuta fil-ġbir, fil-ħatt l-art u/jew fil-kummerċ tad-Dissostichus spp. iżda li ma tikkooperax mal-Programm ta’ Dokumentazzjoni tal-Qbid (CDS) (6) implimentat fl-2000 għat-traċċar ta’ dawn l-ispeċijiet mill-punt tal-ħatt l-art tul iċ-ċiklu kummerċjali kollu. Din l-identifikazzjoni nżammet fl-2014 u fl-2015 (7).

(31)

Il-fatti deskritti fil-premessi (28) sa (30) jżommu lil Trinidad u Tobago milli jissodisfa l-obbligi tiegħu ta’ kooperazzjoni u konservazzjoni bħala Stat tal-bandiera fir-rigward tal-Artikoli 117 sa 119 tal-UNCLOS. Trinidad u Tobago jidher ukoll li naqas milli jissodisfa l-Artikolu 18 tal-UNFSA li jeżiġi li l-Istati li l-bastimenti tagħhom jistadu f’ibħra miftuħa jieħdu miżuri ta’ kontroll biex jiżguraw li dawk il-bastimenti jikkonformaw mar-regoli tal-RFMO.

(32)

Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju tar-rakkomandazzjonijiet fil-punti 25, 26 u 27 tal-IPOA IUU, Trinidad u Tobago ma żviluppax pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra s-sajd IUU.

(33)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima tad-Deċiżjoni u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha li għamel il-pajjiż, jista’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u (6) tar-Regolament IUU, li hemm indikazzjonijiet qawwija li Trinidad u Tobago naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tar-regoli, tar-regolamenti u tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni internazzjonali.

3.4   Il-limitazzjonijiet speċifiċi ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw

(34)

Skont l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHDI) (8), fl-2015 Trinidad u Tobago kien meqjus bħala pajjiż bi żvilupp għoli tal-bniedem (fl-64 post fost 188 pajjiż).

(35)

Meta wieħed iqis il-klassifika tal-HDI msemmija hawn fuq u l-osservazzjonijiet matul iż-żjara tal-2015, l-ebda evidenza ma tissuġġerixxi li n-nuqqas ta’ Trinidad u Tobago milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali huwa dovut għal livelli baxxi ta’ żvilupp. Ma teżisti l-ebda evidenza tanġibbli li tikkorrelata n-nuqqasijiet fil-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd man-nuqqas ta’ kapaċità u infrastruttura. Trinidad u Tobago qatt ma sostna li l-limitazzjonijiet fl-iżvilupp jaffettwaw l-abbiltà tiegħu li jimplimenta sistema ta’ ġesjoni u kontroll b’saħħitha.

(36)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha li għamel il-pajjiż, jista’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU, li l-istatus tal-iżvilupp u l-prestazzjoni globali ta’ Trinidad u Tobago fir-rigward tal-ġestjoni tas-sajd mhumiex ostakolati mil-livell tal-iżvilupp tiegħu.

4.   KONKLUŻJONI DWAR IL-POSSIBBILTÀ TA’ IDENTIFIKAZZJONI BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(37)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu dwar in-nuqqas ta’ Trinidad u Tobago milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq u milli jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU, dak il-pajjiż għandu jiġi nnotifikat, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, bil-possibbiltà li l-Kummissjoni tidentifikah bħala pajjiż li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(38)

Skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lil Trinidad u Tobago bil-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-proċeduri politiċi kollha stipulati fl-Artikolu 32 tar-Regolament IUU fir-rigward ta’ Trinidad u Tobago. Fl-interess tal-amministrazzjoni tajba, għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien li matulu dak il-pajjiż jista’ jwieġeb bil-miktub għan-notifika u jirranġa s-sitwazzjoni.

(39)

Barra minn hekk, in-notifika lil Trinidad u Tobago dwar il-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis li ma jikkooperax għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, la tipprekludi u lanqas ma tfisser b’mod awtomatiku li l-Kummissjoni jew il-Kunsill se jieħdu xi azzjoni sussegwenti għall-finijiet tal-identifikazzjoni u tal-istabbiliment ta’ lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Ir-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago għandha tiġi nnotifikata bil-possibbiltà li tiġi identifikata mill-Kummissjoni bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2016.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1

(2)  http://rgd.legalaffairs.gov.tt/laws2/alphabetical_list/lawspdfs/67.51.pdf

(3)  http://rgd.legalaffairs.gov.tt/laws2/alphabetical_list/lawspdfs/51.06.pdf

(4)  Ittra tal-ICCAT, 18 ta’ Jannar 2011, Ċirkulari tal-ICCAT Nru 151; Ittra tal-ICCAT, 21 ta’ Frar 2012, Ċirkulari tal-ICCAT Nru 641; Ittra tal-ICCAT, 11 ta’ Frar 2013, Ċirkulari tal-ICCAT Nru 613; Ittra tal-ICCAT, 13 ta’ Frar 2014, Ċirkulari tal-ICCAT Nru 723.

(5)  Dok. Nru. COC-308_Appendiċi 2, 2015.

(6)  CCAMLR-XXXII/BG/08, 24 ta’ Settembru 2013.

(7)  CCAMLR-XXXIV/BG/41, 23 ta’ Settembru 2015.

(8)  Informazzjoni miksuba minn http://hdr.undp.org/en/statistics


Il-Qorti tal-Awdituri

23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/19


Rapport Speċjali Nru 12/2016

“L-użu li l-aġenziji jagħmlu minn għotjiet: mhuwiex dejjem xieraq u mhux dejjem jista’ jintwera li huwa effettiv”

(2016/C 144/08)

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri b’dan tinfurmak li r-Rapport Speċjali Nru 12/2016 “L-użu li l-aġenziji jagħmlu minn għotjiet: mhuwiex dejjem xieraq u mhux dejjem jista’ jintwera li huwa effettiv” għadu kif ġie ppubblikat.

Ir-rapport jista’ jiġi kkonsultat jew imniżżel mis-sit web tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: http://eca.europa.eu jew mill-EU Bookshop: https://bookshop.europa.eu


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/20


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Il-Każ M.7992 — Starwood Capital Group/Banco Sabadell/JV)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 144/09)

1.

Fil-15 ta' April 2016, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha Capital Group (“SCG” tal-Istati Uniti tal-Amerika) u Hotel Investment Partnership, S.L. (“HIP” ta' Spanja) ikkontrollata minn Banco de Sabadell, S.A. (“BS” ta' Spanja) jakkwistaw fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt ta' HI Partners Starwood Capital Holdco Value Added, S.L. (HPSC JV ta' Spanja) permezz tax-xiri ta’ ishma f’kumpanija li nħolqot ġdida u li tikkostitwixxi f'impriża konġunta (joint venture, JV).

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal SCG: l-investiment b'enfasi ċentrali fuq il-proprjetà immobbli dinjija. SCG tinvesti f’għadd ta’ klassijiet ta’ assi — inklużi artijiet multifamilja, għall-uffiċċji, għall-ħwienet, għal-lukandi, għall-industriji, għar-residenzi u l-kummerċ, akkomodazzjoni għall-anzjani, u għall-użu mħallat u għall-golf, u fil-livelli kollha tal-istruttura kapitali,

—   għal BS: toffri servizzi bankarji kemm lis-suq bankarju tal-konsumaturi u kemm għan-negozji u, permezz ta’ HIP, tħaddem lukandi u toffri servizzi tal-proprjetà immobbli.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f'dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista' jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta' referenza M.7992 — Starwood Capital Group/Banco Sabadell/JV, f' dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/21


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.7877 — Warburg Pincus/General Atlantic/UniCredit/Santander/SAM/Pioneer)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 144/10)

1.

Fil-15 ta’ April 2016, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolamet tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-affiljati ta’ Warburg Pincus LLC (“Warburg Pincus”, l-Istati Uniti tal-Amerika), General Atlantic LLC (“General Atlantic”, l-Istati Uniti tal-Amerka), Banco Santander, S.A., (“Santander”, Spanja) u UniCredit S.p.A. (“UniCredit”, l-Italja) jgħaqqdu n-negozju tal-ġestjoni tal-assi ta’ SAM Investment Holdings Limited (“SAM”) u Pioneer Global Asset Management S.p.A. (flimkien mas-sussidjarji tagħha, iżda teskludi Pioneer Investment Management USA Inc. u s-sussidjarji Amerikani tagħha kif ukoll ċerti sussidjarji oħra tagħha (“Pioneer”)), f’impriża konġunta (joint venture, JV) bil-funzjonijiet kollha tagħha kkontrollata minn Warburg Pincus, General Atlantic, Santander u UniCredit. SAM hija attwalment impriża konġunta bejn Santander u l-affiljati ta’ Warburg Pincus u General Atlantic. Pioneer is currently solely controlled by UniCredit.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Warburg Pincus hija kumpanija ta’ ekwità privata, attiva permezz tal-kumpaniji fil-portafoll tagħha f’diversi setturi, fosthom l-enerġija, is-servizzi finanzjarji, il-kura tas-saħħa u l-konsumatur, is-servizzi industrijali u tan-negozju, u t-teknoloġija, il-midja u t-telekomunikazzjoni,

General Atlantic hija ditta ta’ ekwità privata, attiva permezz tal-kumpaniji fil-portafoll tagħha f’diversi setturi, inklużi servizzi tal-kummerċ, bejgħ bl-imnut u tal-konsumatur, servizzi finanzjarji, kura tas-saħħa, l-internet u t-teknoloġija,

Santander hija impriża prinċipali ta’ grupp internazzjonali ta’ kumpaniji bankarji u finanzjarji li joperaw prinċipalment fl-Ewropa, fl-Istati Uniti tal-Amerka u fl-Amerka Latina,

UniCredit hija l-kumpanija prinċipali ta’ grupp bankarju li jipprovdi servizzi bankarji u finanzjarji fl-Italja u barra mill-pajjiż,

SAM huwa negozju tal-ġestjoni tal-assi li jopera f’10 pajjiż, kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Amerka Latina,

Pioneer hija negozju tal-ġestjoni tal-assi b’operazzjonijiet madwar l-Ewropa u f’diversi pajjiżi mhux Ewropej.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta’ referenza M.7877 — Warburg Pincus/General Atlantic/UniCredit/Santander/SAM/Pioneer, f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).


23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/22


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.7910 — Kesko/Onninen)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 144/11)

1.

Fit-18 ta’ April 2016, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha Kesko Oyj (“Kesko”, il-Finlandja) takkwista fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll uniku ta’ Onninen Oy kollha kemm hi (“Onninen”, il-Finlandja) permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   Kesko: bejjiegħ b’operazzjoni fi tliet segmenti ta’ negozju prinċipali: (i) il-kummerċ fil-merċa, (ii) il-kummerċ fil-bini u t-titjib tad-djar kif ukoll kummerċ fi prodotti ta’ speċjalità; u (iii) l-kummerċ tal-karozzi,

—   Onninen: attiva fid-distribuzzjoni ta’, fost oħrajn, prodotti ta’ installazzjoni.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta’ referenza M.7910 — Kesko/Onninen, fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).


Rettifika

23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/23


Addendum ma’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 298 tat-8 ta’ Diċembru 2006

(2016/C 144/12)

 

Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta' multi f'każijiet ta' kartell

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2006/C 298/11)

I.   INTRODUZZJONI

(1)

Dan l-Avviż jiddefinixxi qafas li jippermetti li jiġu rrikompensati, għall-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, l-impriżi li huma jew kienu partijiet f'kartelli sigrieti li jolqtu lill-Komunità. Il-kartelli huma ftehimiet u/jew prattiċi miftehma bejn żewġ kompetituri jew iktar bl-iskop li jikkoordinaw l-imġiba kompetittiva tagħhom fuq is-suq u/jew jinfluwenzaw il-parametri tal-kompetizzjoni rilevanti permezz ta' prattiċi bħall-iffissar tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ jew kundizzjonijiet oħra tal-kummerċ, l-allokazzjoni ta' kwoti ta' produzzjoni jew bejgħ, il-kondiviżjoni tas-suq inkluż l-immanuvrar tal-offerti, ir-ristrizzjonijiet fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni u/jew azzjonijiet kontra l-kompetizzjoni kontra kompetituri oħra. Prattiċi bħal dawn huma fost l-iktar ksur serji tal-Artikolu 81 KE (1).

(2)

Meta jillimitaw b'mod artifiċjali l-kompetizzjoni li normalment teżisti bejniethom, l-impriżi jevitaw eżattament dawk il-pressjonijiet li jwassluhom biex jinnovaw, kemm fis-sens ta' żvilupp tal-prodott u kif ukoll fl-introduzzjoni ta' metodi ta' produzzjoni iktar effiċjenti. Dawn il-prattiċi jwasslu anki għal materji primi u komponenti iktar għaljin għall-kumpaniji Komunitarji li jixtru mingħand dawn il-produtturi. Huma finalment jirriżultaw fi prezzijiet artifiċjali u f’anqas għażla għall-konsumatur. Għat-tul, dawn iwasslu għal telf ta' kompettività u opportunitajiet ta' impieg imnaqqsa.

(3)

Min-natura stess tagħhom, il-kartelli sigrieti huma ta' sikwit diffiċli biex jiġu identifikati u investigati mingħajr il-koperazzjoni tal-impriżi jew individwi implikati fihom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li huwa fl-interess tal-Komunità li tippremja lill-impriżi involuti f’dan it-tip ta’ prattiki illegali li huma disposti li jtemmu l-parteċipazzjoni tagħhom u li jikkoperaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, independentement mill-bqija tal-impriżi involuti fil-kartell. L-interessi tal-konsumatur u ċ-ċittadini biex jiġi żgurat li kartelli sigrieti jiġu mikxufa u kkastigati huma akbar mill-interess li jiġu mmultati dawk l-impriżi li jippermettu lill-Kummissjoni biex tiskopri u tipprojbixxi dawn il-prattiċi.

(4)

Il-Kummissjoni tikkonsidra li l-kollaborazzjoni ta' impriża fl-iskoperta tal-eżistenza ta' kartell għandha valur intrinsiku. Kontribuzzjoni deċiżiva għall-ftuħ ta' investigazzjoni jew għall-kostatazzjoni ta' xi ksur tal-liġi tista' tiġġustifika l-għoti ta' immunità minn kwalunkwe multa lill-impriża msemmija, bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti ċerti rekwiżiti addizzjonali.

(5)

Barra min hekk, kooperazzjoni bejn impriża waħda jew iktar tista' tiġġustifika tnaqqis f'multa mill-Kummissjoni. Kwalunkwe tnaqqis f'multa għandu jirrifletti l-kontribuzzjoni effettiva tal-impriża, fis-sens ta' kwalità u ta' żmien, għad-determinazzjoni tal-ksur tal-liġi mill-Kummissjoni. It-tnaqqis għandu jkun limitat għal dawk l-impriżi li jipprovdu l-Kummisjoni bi provi li jżidu valur sinifikattiv lil dawk li diġa' qegħdin fil-pussess tal-Kummissjoni.

(6)

Minbarra s-sottomissjoni ta’ dokumenti preeżistenti, l-impriżi jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni bi preżentazzjonijiet volontarji dwar l-għarfien tagħhom dwar kartell u r-rwol tagħhom fih, imħejjija apposta sabiex jiġu sottomessi f’dan il-programm ta’ klemenza. Dawn l-inizjattivi rriżultaw utli għall-investigazzjoni effettiva u t-terminazzjoni ta’ ksur ta’ kartelli u m’għandhomx jiġu skoraġġiti permezz ta’ ordnijiet ta’ żvelar maħruġa f’litigazzjoni ċivili. Applikanti prospettivi għal klemenza jistgħu jiġu skoraġġiti milli jikkooperaw mal-Kummissjoni skont dan l-Avviż jekk dan jasal biex jagħmel ħsara lill-pożizzjoni tagħhom fi proċeduri ċivili, meta mqabbla ma’ kumpanniji li ma jikkooperawx. Dan l-effett mhux mixtieq ikun jagħmel ħsara sinjifikattiva lill-interess li għandu l-pubbliku li jiżgura applikazjoni effettiva tal-Artikolu 81 KE mill-awtoritajiet pubbliċi f’każijiet ta’ kartell u b’hekk l-applikazzjoni privata effettiva sussegwenti jew parallela.

(7)

Id-dmirijiet ta’ superviżjoni mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni ma jinkludux biss id-dmir li jiġi investigat u kkastigat ksur individwali, iżda jkopri wkoll id-dmir li tiġi implimentata politika ġenerali. Il-ħarsien tal-prospetti korporattivi fl-interess pubbliku mhux limitu għall-iżvelar tagħhom lil destinatarji oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex jitħarsu d-drittijiet tagħhom ta’ difiża fil-proċedura quddiem il-Kummissjoni, sal-punt li huwa teknikament possibbli li jiġu kkombinati ż-żewġ interessi billi l-prospetti korporattivi jsiru aċċessibbli biss fl-uffiċċji tal-Kummissjoni u normalment f’okkażjoni waħda wara n-notifika formali tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipproċessa dejta personali fil-kuntest ta’ dan l-avviż f’konformità mal-obbligi tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 (2).

II.   IMMUNITÀ MILL-MULTI

A.   Rekwiżiti għall-immunità mill-multi

(8)

Il-Kummissjoni se tagħti immunità minn kwalunkwe multa li kienet altrimenti tiġi imposta fuq impriża li tiżvela l-parteċipazzjoni tagħha f’kartell allegat li jaffettwa l-Komunità jekk dik l-impriża tkun l-ewwel waħda li tissottometti informazzjoni u evidenza li fil-fehma tal-Kummissjoni jippermettulha li:

(a)

twettaq ispezzjoni mmirata f’konnessjoni mal-kartell allegat (3); jew

(b)

taqbad ksur tal-Artikolu 81 KE f’konnessjoni mal-kartell allegat

(9)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq ispezzjoni mmirata skont it-tifsira tal-punt (8)(a), l-impriża trid tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni u l-evidenza elenkati hawn taħt, sakemm dan, fil-fehma tal-Kummissjoni, ma jkunx ta’ ħsara għall-ispezzjonijiet:

(a)

Prospett korporattiv (4) li jinkludi, sa fejn ikun magħruf mill-applikant fil-mument tas-sottomissjoni:

Deskrizzjoni dettaljata tal-arranġament allegat tal-kartell inklużi, pereżempju, l-għanijiet, l-attivitajiet u l-funzjonament tiegħu; il-prodott jew is-servizz ikkonċernat, il-firxa ġeografika, it-tul ta’ żmien u l-volumi stmati tas-suq affettwati mill-kartell allegat; id-dati, il-postijiet, il-kontenut u l-parteċipanti speċifiċi fil-kuntatti tal-kartell allegati, u l-ispjegazzjonijiet kollha relevanti f’konnessjoni mal-provi pprovduti f’sostenn għall-applikazzjoni.

L-isem u l-indirizz tal-entità legali li tissottometti l-applikazzjoni għall-immunità u kif ukoll l-ismijiet u l-indirizzi tal-impriżi l-oħra kollha li jipparteċipaw jew ipparteċipaw fil-kartell allegat;

L-ismijiet, il-pożizzjonijiet, postijiet tal-uffiċċji u, fejn neċessarju, indirizzi tad-djar tal-individwi kollha li, sa fejn jaf l-applikant, huma jew kienu involuti fil-kartell allegat, inklużi dawk l-individwi li kienu involuti f’isem l-applikant;

Informazzjoni dwar liema awtoritajiet oħra tal-kompetizzjoni, fl-UE jew barra minnha, ġew ikkuntattjati jew huwa ppjanat li jiġu kkuntattjati f’konnessjoni mal-kartell allegat; kif ukoll

(b)

Evidenza oħra li tirrigwarda l-kartell allegat li huma fil-pussess tal-applikant jew għad-dispożizzjoni tiegħu fiż-żmien tas-sottomissjoni, inklużi b’mod partikolari xi evidenza kontemporanja ta' ksur.

(10)

Immunità skont il-punt (8)(a) ma tingħatax jekk, fiż-żmien tas-sottomissjoni, il-Kummissjoni diġà kellha evidenza biżżejjed biex tadotta deċiżjoni biex twettaq spezzjoni f’konnessjoni mal-kartell allegat jew diġà kienet wettqet ispezzjoni bħal din.

(11)

Immunità skont il-punt (8)(b) tingħata biss bil-kondizzjonijiet kumulattivi li l-Kummissjoni ma kellhiex, fiż-żmien tas-sottomissjoni, biżżejjed provi biex issib ksur tal-Artikolu 81 KE b'konnessjoni mal-allegat kartell u li ebda impriża ma ngħatat immunità kondizzjonali minn multi taħt il-punt (8)(a) b'konnessjoni mal-allegat kartell. Sabiex tikkwalifika, impriża trid tkun l-ewwel waħda li tipprovdi evidenza inkriminanti kontemporanja tal-kartell allegat, flimkien ma’ prospett korporattiv li jkun fih l-istess tip ta’ informazzjoni speċifikata fil-punt (9)(a), li tippermetti lill-Kummissjoni li tikkostata ksur tal-Artikolu 81 KE.

(12)

B'żieda mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (8)(a), (9), u (10) jew fil-punti(8)(b) u 11, kif xieraq, il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin għandhom jkunu milħuqa f'kull każ biex jikkwalifikaw għal xi immunità minn multa:

(a)

L-impriża tikkoopera b’mod ġenwin (5), sħiħ, u fuq bażi kontinwa u mingħajr dewmien minn meta tissottometti l-applikazzjoni sat-tmiem tal-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni. Dan jinkludi:

tipprovdi lill-Kummissjoni immedjatament bl-informazzjoni u l-evidenza relevanti kollha li jirrigwardaw il-kartell allegat li jiġu fil-pussess tagħha jew li jkunu għad-dispożizzjoni tagħha;

tibqa' fid-dispożizzjoni tal-Kummissjoni biex twieġeb malajr għal kull talba li tista' tikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-fatti kkonċernati;

tpoġġi l-impjegati u d-diretturi attwali (u jekk possibbli wkoll lil dawk tal-passat) għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sabiex din tkun tista’ tintervistahom;

ma teqridx, ma tiffalsifikax jew taħbi informazzjoni jew evidenza relevanti li jirrigwardaw il-kartell allegat; kif ukoll

ma tiżvelax il-fatt jew xi parti mill-kontenut tal-applikazzjoni tagħha qabel ma l-Kummissjoni tkun ħarġet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-każ, sakemm ma jintlaħaqx qbil mod ieħor;

(b)

L-impriża temmet l-involviment tagħha fil-kartell allegat immedjatament wara l-applikazzjoni tagħha, ħlief għal dak li, fil-fehma tal-Kummissjoni, ikun raġonevolment neċessarju sabiex tiġi ppriżervata l-integrità tal-ispezzjonijiet;

(c)

Meta tkun qed tikkunsidra li tagħmel l-applikazzjoni tagħha lill-Kummissjoni, l-impriża ma tridx tkun qerdet, iffalsifikat jew ħbiet provi tal-kartell allegat jew żvelat il-fatt jew xi partijiet mill-kontenut tal-applikazzjoni li tkun qed tikkunsidra li tagħmel, ħlief ma’ awtoritajiet oħra tal-kompetizzjoni.

(13)

Kull impriża li tkun ħadet passi sabiex tisforza impriżi oħra sabiex jidħlu fil-kartell jew jibqgħu fih mhix eliġibbli għall-immunità mill-multi. Hija tista’ xorta waħda tikkwalifika għal tnaqqis fil-multi jekk twettaq ir-rekwiżiti relevanti u tissodisfa l-kundizzjonijiet għal dan.

B.   Il-proċedura

(14)

Impriża li tkun tixtieq tapplika għall-immunità minn multi għandha tikkuntattja lid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni. L-impriża tista’ inizjalment jew tapplika għal marker jew immedjatament tipproċedi sabiex tagħmel applikazzjoni formali lill-Kummissjoni għall-immunità mill-multi sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet fil-punti (8) (a) jew (8) (b), kif xieraq. Il-Kummissjoni tista’ tinjora kull applikazzjoni għall-immunità mill-multi fuq il-bażi li din tkun tressqet wara li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tkun diġà nħarġet.

(15)

Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jagħtu marker li tipproteġi l-post fil-kju tal-applikanti tal-immunità għal perjodu li jiġi speċifikat każ b’każ sabiex jippermettu l-ġbir tal-informazzjoni u provi neċessarji. Sabiex ikun eliġibbli li jingħata marker, l-applikant irid jipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tiegħu, il-partijiet fil-kartell allegat, il-prodott(i) affettwat(i) u territorju/i, stima tat-tul ta’ żmien tal-kartell allegat u n-natura tal-kondotta tal-kartell allegat. L-applikant għandu jinforma wkoll lill-Kummissjoni dwar applikazzjonijiet oħra passati jew futuri possibbli għall-klemenza quddiem awtoritajiet oħra fir-rigward tal-kartell allegat u jiġġustifika t-talba għal marker. Meta jingħata l-marker, is-servizzi tal-Kummissjoni jiddeterminaw il-perjodu li fih l-applikant għandu jipperfezzjona l-marker billi jissottometti l-informazzjoni u l-provi meħtieġa sabiex jintlaħaq il-minimu relevanti għall-immunità. Impriżi li jkunu ngħataw marker ma jistgħux jipperfezzjonawh billi jagħmlu applikazzjoni formali f’termini ipotetiċi. Jekk l-applikant jipperfezzjona l-marker fil-perjodu stabbilit mis-servizzi tal-Kummissjoni, l-informazzjoni u l-provi pprovduti jitqiesu bħala li ġew sottomessi fid-data meta jkun ingħata l-marker.

(16)

Impriża li tagħmel applikazzjoni formali għall-immunità lill-Kummissjoni għandha:

(a)

tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni u provi kollha li jirrigwardaw il-kartell allegat li jkunu għad-dispożizzjoni tagħha, kif speċifikat fil-punti (8) u (9), inklużi dikjarazzjonijiet tal-impriża; jew

(b)

tippreżenta inizjalment dawn il-provi f'termini ipotetiċi, u f'dan il-każ l-impriża għandha tippreżenta lista deskrittiva tal-provi li tipproponi li tiżvela f'data miftehma wara. Din il-lista għandha tirrifletti b'mod akkurat in-natura u l-kontenut tal-provi, waqt li tissalvagwardja n-natura ipotetika ta' dan l-iżvelar. Kopji ta' dokumenti, li minnhom ikunu tneħħew partijiet sensittivi, jistgħu jintużaw biex jillustraw in-natura u l-kontenut ta' dawn il-provi. L-isem tal-impriża li tkun qed tapplika u ta’ impriżi oħra involuti fil-kartell allegat m’għandhomx għalfejn jiġu żvelati sakemm il-provi deskritti fl-applikazzjoni jiġu ppreżentati. Madankollu, il-prodott jew servizz ikkonċernat mill-kartell allegat u kif ukoll il-firxa ġeografika tal-kartell allegat u d-dewmien stmat għandu jkun identifikat b’mod ċar.

(17)

Jekk mitlub, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jipprovdi rċevuta għall-applikazzjoni mill-impriża għall-immunità mill-multi, li tikkonferma d-data u, fejn xieraq, il-ħin tal-applikazzjoni.

(18)

La darba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni u l-provi mressqin mill-impriża taħt il-punt (16)(a), u vverifikat li dawn jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (8)(a) jew (8)(b), kif xieraq, hi tagħti lill-impriża immunità kondizzjonali minn multi bil-miktub.

(19)

Jekk l-impriża tkun ippreżentat informazzjoni u evidenza f'termini ipotetiċi, il-Kummissjoni ser tivverfika li n-natura u l-kontenut tal-provi deskritti fil-lista dettaljata msemmija fil-punt (16)(b) ser jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (8)(a) jew (8)(b), kif xieraq, u tinforma lill-impriża b'dan. Wara l-iżvelar tal-provi mhux aktar tard mid-data miftehma u wara li vverifikat li dawn jikkorrispondu mad-deskrizzjoni magħmula fil-lista, il-Kummissjoni tagħti lill-impriża l-immunità kondizzjonali minn multi bil-miktub.

(20)

Jekk ikun evidenti li l-immunità mhix disponibbli jew li l-impriża naqset milli tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (8) (a) jew (8) (b), kif xieraq, il-Kummissjoni tinforma lill-impriża bil-miktub. F’dan il-każ, l-impriża tista’ tirtira l-evidenza żvelata għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħha għall-immunità jew titlob lill-Kummissjoni tikkunsidraha taħt it-taqsima III ta’ dan l-avviż. Dan ma jipprevenix lill-Kummissjoni milli tuża s-segħat normali ta' investigazzjoni tagħha biex tikseb l-informazzjoni.

(21)

Il-Kummissjoni mhix ser tikkunsidra applikazzjonijiet oħra għall-immunità minn multi qabel ma tkun ħadet pożizzjoni fuq applikazzjoni eżistenti fir-rigward tal-istess ksur tal-liġi issuspettat, irrispettivament minn jekk l-applikazzjoni għall-immunità tkunx ippreżentata b'mod formali jew b'talba għal marker.

(22)

Jekk fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva, l-impriża tkun issodisfat il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (12), il-Kummissjoni tagħtiha immunità minn multi fid-deċiżjoni rilevanti. Jekk fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva, l-impriża tkun issodisfat il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (12), il-Kummissjoni tagħtiha immunità minn multi fid-deċiżjoni rilevanti. Jekk il-Kummissjoni, wara li tkun tat l-immunità kondizzjonali finalment issib li l-applikant għall-immunità jkun ġiegħel lill-parteċipanti l-oħra, hija ma tagħtix l-immunità.

III.   TNAQQIS TA' MULTA

A.   Rekwiżiti għal tnaqqis tal-multi

(23)

Impriżi li jiżvelaw il-parteċipazzjoni tagħhom f'allegat kartell li jaffettwa lill-Komunità u li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet taħt is-sezzjoni II hawn fuq jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta' kull multa li kieku kienet tkun imposta.

(24)

Biex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur allegat li jirrapreżentaw valur miżjud sinifikanti b'rispett għall-evidenza li diġa' tkun tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fil-punti (12)(a) sa (12)(c) ta' hawn fuq.

(25)

Il-kunċett ta’ “valur miżjud” jirreferi għall-punt sa fejn il-provi prodotti jsaħħu, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ preċiżjoni tagħhom, il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza tal-akkordju allegat. F'din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta' żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Il-provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b'rilevanza indiretta biss. Bl-istess mod, il-livell ta’ korroborazzjoni ta’ sorsi oħra, neċessarju sabiex il-provi ppreżentati jistgħu jkunu affidabbli kontra impriżi oħra involuti fil-kawża, jkollu effett fuq il-valur ta' dawk l-provi, b’tali mod li provi determinanti jingħataw valur ogħla minn provi bħal ma huma dikjarazzjonijiet li jkunu jridu jiġu kkorroborati jekk jiġu kkontestati.

(26)

F’kull deċiżjoni finali mogħtija fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-livell ta’ tnaqqis li minnu għandha tibbenefika l-impriża, relattiv mal-multa li altrimenti tiġi imposta. Għal:

l-ewwel impriża li tipprovdi valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis ta' bejn 30 u 50 %,

it-tieni impriża li tipprovdi valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis ta' bejn 20 u 30 %,

impriża oħra li jipprovdu valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis massimu ta’ 20 %.

Biex tiddefinixxi l-livell ta’ tnaqqis f’dawn l-iskali, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-data li fiha ġew ikkomunikati l-provi li jissodisfaw il-kundizzjoni msemmija fil-punt (24) u l-livell tal-valur miżjud li dawn irrappreżentaw.

Jekk impriża li titlob tnaqqis fil-multa tkun l-ewwel li tippreżenta provi determinanti, fis-sens tal-punt (25), li l-Kummissjoni tuża biex tistabbilixxi fatti addizzjonali li jżidu l-gravità jew il-perjodu tal-ksur, il-Kummissjoni ma tiħux f'kunsiderazzjoni dawn il-fatti addizzjonali meta tiffissa l-ammont ta' xi multa imposta fir-rigward tal-impriża li tkun ippreżentathom.

B.   Il-proċedura

(27)

Impriża li tixtieq tibbenefika minn tnaqqis ta’ multa għandha tagħmel applikazzjoni formali lill-Kummissjoni u għandha tippreżentalha provi suffiċjenti tal-kartell allegat sabiex tikkwalifika għal tnaqqis ta’ multa skont il-punt (24) ta’ dan l-avviż. Kull preżentazzjoni volontarja ta’ provi lill-Kummissjoni li l-impriża li tippreżentaha tkun tixtieq tiġi kkunsidrata għat-trattament benefiku tat-taqsima III ta’ dan l-avviż għandha tiġi identifikata b’mod ċar fiż-żmien tal-preżentazzjoni tagħha bħala parti minn applikazzjoni formali għal tnaqqis ta’ multa.

(28)

Jekk mitlub, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jipprovdi rċevuta għall-applikazzjoni għal tnaqqis mill-multi u għal kwalunkwe preżentazzjoni sussegwenti ta’ provi, li tikkonferma d-data u, fejn xieraq, il-ħin ta’ kull preżentazzjoni. Il-Kummissjoni mhux ser tieħu pożizzjoni dwar applikazzjoni għat-tnaqqis ta' multa qabel ma tkun ħadet pożizzjoni fuq kull applikazzjoni eżistenti għall-immunità kundizzjonali minn multi fir-rigward tal-istess kartell allegat.

(29)

Jekk il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni preliminarja li l-provi mressqin mill-impriża jikkostitwixxu valur miżjud sinifikanti fis-sens tal-punti (24) u (25) u li l-impriza tkun issodisfat il-kundizzjonijiet tal-punti (12) u (27), għandha tinforma lill-impriża bil-miktub, mhux aktar tard mid-data li fiha ġiet notifikata dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet, bl-intenzjoni tagħħa li tapplika tnaqqis ta' multa fi ħdan faxxa speċifika kif previst fil-punt (26). Fl-istess perjodu ta’ żmien, il-Kummissjoni tinforma wkoll lill-impriża bil-miktub jekk hija tasal għall-konklużjoni preliminari li l-impriża ma tikkwalifikax għal tnaqqis tal-multa. Il-Kummissjoni tista’ tinjora kull applikazzjoni għal tnaqqis tal-multi fuq il-bażi li din tkun tressqet wara li tkun ħarġet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

(30)

Il-Kummissjoni ser tevalwa l-pożizzjoni finali ta' kull impriża li applikat għat-tnaqqis f'multa fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva f'kull deċiżjoni adottata. Il-Kummissjoni tiddetermina f’kull deċiżjoni finali bħal din:

(a)

jekk il-provi pprovduti minn impriża kinux jirrapreżentaw valur miżjud sinifikanti relattivament għall-provi fil-pussess tal-Kummissjoni fl-istess żmien;

(b)

jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (12) (a) sa (12) (c) aktar'il fuq kinux ġew issodisfati;

(c)

il-livell eżatt tat-tnaqqis li tibbenefika minnu impriża mill-firxa ta’ livelli speċifikati fil-punt (26).

Jekk il-Kummissjoni ssib li l-impriża ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (12), hija ma tibbenefika mill-ebda trattament favorevoli taħt dan l-Avviż.

IV.   PROSPETTI KORPORATTIVI MAGĦMULA SABIEX DAWN JIKKWALIFIKAW TAĦT DAN L-AVVIŻ

(31)

Prospett korporattiv huwa preżentazzjoni volontarja minn impriża, jew f’isimha, lill-Kummissjoni dwar l-għarfien tal-impriża dwar kartell u r-rwol tagħha fih, imħejjija apposta sabiex tiġi ppreżentata taħt dan l-Avviż. Kull dikjarazzjoni miktuba magħmula rigward il-Kummissjoni fir-rigward ta' dan l-avviż, tifforma parti mill-fajl tal-Kummissjoni.

(32)

Fuq rikjesta tal-applikant, il-Kummissjoni tista’ taċċetta li d-dikjarazzjonijiet tal-impriża jiġu pprovduti oralment sakemm l-applikant ma jkunx diġà żvela l-kontenut tal-prospett korporattiv lil partijiet terzi. Id-dikjarazzjonijiet korporattivi orali jistgħu jkunu rrekordjati u traskritti fil-bini tal-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (6) u l-Artikoli 3 u 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 (7) l-impriżi li jagħmlu prospetti korporattivi bil-fomm jingħataw l-opportunità li jivverifikaw il-preċiżjoni teknika tar-rekord, li jkun disponibbli fil-bini tal-Kummissjoni, u jistgħu jikkoreġu s-sustanza tas-sottomissjonijiet orali tagħhom fi ħdan perjodu definit. L-impriżi jistgħu jirrinunzjaw għal dawn id-drittijiet fil-limitu ta’ żmien imsemmi, u f’dan il-każ ir-reġistrazzjoni titqies minn dak il-mument bħala li ġiet approvata. Wara l-approvazzjoni espliċita jew impliċita tad-dikjarazzjoni orali jew il-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe korrezzjonijiet għaliha, l-impriża għandha tisma’ r-reġistrazzjonijiet fl-uffiċċji tal-Kummissjoni u tivverifika l-preċiżjoni tat-traskrizzjoni f’limitu ta’ żmien stabbilit. In-nuqqas ta’ konformità ma’ dan l-aħħar rekwiżit jista’ jwassal għat-telf ta’ trattament benefiċjarju taħt dan l-Avviż.

(33)

L-aċċess għall-prospetti korporattivi jingħata biss lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sakemm dawn jimpenjaw ruħhom, - flimkien mar-rappreżentanti legali li jirċievu l-aċċess f’isimhom -, li ma jagħmlu l-ebda kopja b’mezzi mekkaniċi jew elettroniċi ta’ kwalunkwe informazzjoni fid-dikjarazzjoni ta’ impriża li għaliha jkun ingħata aċċess u li jiżguraw li l-informazzjoni li tinkiseb mill-prospett korporattiv tintuża biss għall-finijiet imsemmija aktar 'l isfel. Partijiet oħra bħal pereżempju l-ilmentaturi ma jingħatawx aċċess għall-prospetti korporattivi. Il-Kummissjoni tqis li din il-protezzjoni speċifika ta’ prospett korporattiv ma tkunx ġustifikata sa mill-mument meta l-applikant jiddivulga l-kontenut tagħha lil partijiet terzi.

(34)

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regoli għall-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni (8), l-aċċess għall-fajl jingħata biss lil dawk li lilhom tkun indirizzata dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet bil-kundizzjoni li l-informazzjoni miksuba b’dan il-mod tista’ tintuża biss għall-iskopijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità in kwistjoni fil-proċeduri amministrativi relatati. L-użu ta' informazzjoni bħal din għal skop different waqt il-proċedura tista' tkun meqjusa bħala nuqqas ta' kooperazzjoni fis-sens tal-punti (12) u (27) ta' dan l-Avviż/. Barra minn hekk, jekk użu bħal dan isir wara li l-Kummissjoni tkun diġà addottat deċiżjoni ta' projbizzjoni fil-proċedimenti, il-Kummissjoni tista', fi kwalunkwe proċediment legali quddiem il-Qrati tal-Komunità, titlob lill-Qorti biex iżżid il-multa fir-rigward tal-impriża responsabbli. F'każ li l-informazzjoni tintuża għal skop ieħor, fi kwalunkwe mument, bl-involviment ta' xi rappreżentant legali estern, il-Kummissjoni tista' tirraporta l-inċident lill-uffiċċju fejn ir-rappreżentant legali jipprattika, bl-għan ta' azzjoni dixxiplinarja.

(35)

Il-prospetti korporattivi magħmula skont dan l-Avviż jkunu trasmessi biss lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 12 tar-Regolmanet Nru 1/2003, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fin-Notifika tan-Netwerk (9) ikunu milħuqa u sakemm il-livell ta' protezzjoni kontra l-iżvelar mogħti mill-awtorità tal-kompetizzjoni riċeventi jkun tal-istess livell ta' dak tal-Kummissjoni.

V.   KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(36)

Il-Kummissjoni ma tiħux pożizzjoni dwar l-opportunità li tingħata jew le immunità kundizzjonali jew inkella li tiġi rikompensata jew le talba, jekk ikun jidher li t-talba tikkonċerna ksur li għalih japplika t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin iffissat fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li tali talba tkun mingħajr skop.

(37)

Sa mid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali, dan l-avviż jieħu post l-avviż tal-Kummissjoni tal-2002 dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-multi f’każijiet ta’ kartelli għall-każijiet kollha fejn l-ebda impriża ma tkun ikkuntattjat lill-Kummissjoni sabiex tieħu vantaġġ mit-trattament favorevoli stabbilit f’dak l-avviż. Madankollu, il-punti (31) sa (35) tal-avviż preżenti se jiġu applikati mill-mument tal-pubblikazzjoni tiegħu għall-applikazzjonijiet kollha pendenti u ġodda għall-immunità mill-multi jew għal tnaqqis ta’ multi.

(38)

Il-Kummissjoni hija konxja li dan l-avviż ser joħloq stennija leġittima li fuqha dawn l-impriżi jistgħu jiddependu meta jiżvelaw l-eżistenza ta' kartell lill-Kummissjoni.

(39)

Skont il-prattika tal-Kommissjoni, il-fatt li impriża kkooperat mal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva tagħha ser jiġi ndikat f'kull deċiżjoni, biex tiġi spjegata r-raġuni għall-immunità jew tnaqqis tal-multa. Il-fatt li jingħataw immunità jew tnaqqis fir-rigward ta' multi ma jistax jipproteġi lil xi impriża mill-konsegwenzi tal-liġi ċivili għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur tal-Artikolu 81 KE.

(40)

Il-Kummissjoni ssostni li normalment l-iżvelar pubbliku ta’ dokumenti u dikjarazzjonijiet miktuba jew rekordjati waslu fil-kuntest ta’ dan l-Avviż jimmina ċerti interessi pubbliċi jew privati, pereżempju l-protezzjoni tal-għan ta’ spezzjonijiet u investigazzjonijiet fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (10), anke wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet.


(1)  Referenza f'dan it-test għall-Artikolu 81 KE tkopri wkoll l-Artikolu 53 ŻEE fejn applikat mill-Kummissjoni skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 56 tal-Ftehim ŻEE.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  Il-valutazzjoni tal-livell limitu jkollha titwettaq ex ante, jiġifieri mingħajr ma jitqies jekk ispezzjoni partikolari tkunx irnexxiet jew jekk ispezzjoni tkunx ġiet imwettqa jew le. Il-valutazzjoni għandha ssir esklussivament abbażi tat-tip u l-kwalità tal-informazzjoni sottomessa mill-applikant.

(4)  Prospetti korporattivi jistgħu jieħdu l-forma ta’ dokumenti miktuba ffirmati minn impriża jew f’isimha jew magħmula oralment.

(5)  Dan jeħtieġ b’mod partikolari li l-applikant jipprovdi informazzjoni akkurata, mhux qarrieqa, u sħiħa. Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006 fil-każ C-301/04 P, il-Kummissjoni vs SGL Carbon AG a.o., fil-paragrafi 68-70, u s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005 fil-Kawżi C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P, C-208/02 P u C-213/02 P, Dansk Rørindustri A/S a.o. vs il-Kummissjoni, fil-paragrafi 395-399.

(6)  ĠU L 1 of 4.1.2003, p. 1.

(7)  ĠU L 123 of 27.4.2004, p. 18.

(8)  ĠU C 325, 22.12.2005, p. 7.

(9)  L-avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk tal-Awtorijatjiet tal-Kompentizzjoni, ĠU C 101, 27.4.2004, p. 43.

(10)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/29


Addendum ma’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 325 tat-22 ta’ Diċembru 2005

(2016/C 144/13)

 

Notifika tal-Kummissjoni dwar ir-regolamenti tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni f’każijiet skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim taż-ŻEE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2005/C 325/07)

I.   INTRODUZZJONI U S-SUĠĠETT TAN-NOTIFIKA

1.

L-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni hija waħda mill-garanziji proċedurali maħsuba għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza tal-armi u għall-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża. L-aċċess għall-fajl huwa pprovvdut fl-Artikolu 27 (1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1), fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 (“ir-Regolament dwar l-Implementazzjoni”) (2), fl-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (“Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet) (3) u fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (‘Ir-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonjiet’) (4). Skont dawn id-dispożizzjonjiet qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet fuq il-bażi tal-Artikoli 7, 8, 23 u 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u l-Artikoli 6(3), 7(3), 8(2) sa (6), 14 u 15 tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonjiet, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-persuni, impriżi jew lil assoċċjazzjonijiet ta’ impriżi, skont il-każ, l-opportunità li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet li jkunu saru dwarhom u jkunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni sabiex jiġi rispettat id-dritt tagħhom li jiddefendu lilhom infushom fil-proċeduri. In-notifika preżenti tipprovvdi l-qafas għat-tħaddim tad-dritt imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet. Din ma tkoprix il-possibbiltà tal-provvista ta’ dokumenti f’dak li għandu x’jaqsam ma” proċeduri oħra. Din in-notifika ma taffettwax l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip mill-Qrati tal-Kommunità. Il-prinċipji msemmija f’din in-Notifika japplikaw ukoll meta l-Kummissjoni tinforza l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim taż-ŻEE (5).

2.

Id-dritt speċifiku deskritt hawn fuq huwa distint mid-dritt ġenerali għall-aċċess għad- dokumenti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (6), li huwa soġġett għal kriterji u eċċezzjonijiet differenti u għandu għan differenti.

3.

It-terminu aċċess għall-fajl f’din in-notifika jintuża esklużivament biex ifesser l-aċċess mogħti lill-persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li lilhom il-Kummissjoni tkun indirizzat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet. Din in-notifika tikkjarifika min għandu aċċess għall-fajl għal dan il-għan.

4.

L-istess terminu, jew it-terminu aċċess għad-dokumenti, fir-regolamenti msemmija qabel huwa użat wkoll b’referenza għal min jilmenta jew għal partijiet oħra involuti. Iżda dawn is-sitwazzjonijiet huma distinti minn dawk tad-destinitarji tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u għalhekk ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ aċċess għall-fajl għall-finijiet ta’ din in-notifika. Dawn is-sitwazzjonijiet relatati huma ttrattati f’parti separata tan-notifika.

5.

Din in-notifika tispjega wkoll għal liema informazzjoni jingħata aċċess, meta jingħata aċċess u x’inhuma l-proċeduri biex ikun aċċessat il-fajl.

6.

Mill-pubblikazzjoni tagħha, din in-notifika tieħu post in-notifika tal-Kummissjoni tal-1997 dwar l-aċċess għall-fajl (7). Ir-regoli l-ġodda jikkunsidraw il-leġislazzjoni applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2004, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 1/2003, ir-Regolament dwar il-Konċentrazzjonjiet, ir-Regolament dwar l-Implementazzjoni u r-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonjiet hawn fuq imsemmija, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Mejju 2001 dwar it-termini ta’ referenza tal-Uffiċċjali tas-Smigħ f’ċerti proċeduri tal-kompetizzjoni (8). Hija tikkunsidra wkoll il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-Kommunitajiet Ewropej (9) u l-prattika żvilupata mill-Kummissjoni minn meta ġiet aċċettata n-notifika tal-1997.

II.   L-AMBITU TAL-AĊĊESS GĦALL-FAJL

A.   Min huwa intitolat għal aċċess għall-fajl?

7.

L-aċċess għall-fajl skont id-dispożizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 huwa maħsub biex ikun jista’ jiġi mħaddem b’mod effettiv id-dritt ta’ difiża kontra l-oġġezzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, kemm fil-każijiet taħt l-Artikoli 81 u 82 KE u kif ukoll f’każijiet taħt ir-Regolament dwar il-Konċentrazzjonjiet, jekk mitlub, l-aċċess jingħata fuq talba lill-persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (10), skont il-każ, li l-Kummissjoni tkun indirizzat l-oġġezzjonijiet tagħha lejhom (11) (minn issa ‘il quddiem imsejħa, “il-partijiet”).

B.   Għal liema dokumenti jingħata aċċess?

1.   Il-kontenut tal-fajl tal-Kummissjoni

8.

Il-“fajl tal-Kummissjoni” f’investigazzjonijiet dwar il-kompetizzjoni (minn issa ‘il quddiem imsejjaħ ukoll “il-fajl”) jikkonsisti fid-dokumenti kollha (12), li jkunu ġew akkwistati, prodotti u/jew kumpilati mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni, waqt l-investigazzjoni.

9.

Waqt li tkun għaddejja l-investigazzjoni skont l-Artikoli 20, 21 u 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonjiet, il-Kummissjoni tista’ tiġbor numru ta’ dokumenti, li uħud minnhom wara li jkunu ġew eżaminati fid-dettal jistgħu jirriżultaw li mhumiex relatati mas-suġġett tal-każ in kwistjoni. Dawn id-dokumenti jistgħu jingħataw lura lill-impriża minn fejn ikunu ġew akkwistati. Meta jingħataw lura, dawn id-dokumenti ma’ jibqgħux parti mill-fajl.

2.   Dokumenti aċċessibbli

10.

Il-partijiet għandu jkollhom il-possibbiltà li jiffamiljarizzaw ruħhom mal-informazzjoni li hemm fil-fajl tal-Kummisssjoni, sabiex fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni jkunu jistgħu jesprimu b’mod effttiv il-pożizzjonijiet tagħhom dwar il-konklużjonijiet preliminari li tkun waslet għalihom il-Kummissjoni fl-oġġezzjonijiet tagħha. Għal dan il-għan huma jingħataw aċċess għad-dokumenti kollha li jiffurmaw il-fajl tal-Kummissjoni, kif definit fil-paragrafu 8, bl-eċċezzjoni ta’ dokumenti interni, sigrieti tan-negozju ta’ impriżi oħra jew informazzjoni kunfidenzjali oħra (13).

11.

Ir-riżultati ta’ studju kkummissjonat b’rabta ma’ proċeduri huma aċċessibbli flimkien mat-termini ta’ referenza u l-metodoloġija tal-istudju. Iżda jista’ jkun hemm ħtieġa ta’ prekawazjonijiet sabiex jiġu protetti d-dritttijiet tal-proprjetà intellettwali.

3.   Dokumenti mhux aċċessibbli

3.1.   Dokumenti interni

3.1.1.    Prinċipji ġenerali

12.

Id-dokumenti interni la jistgħu jinkriminaw u lanqas jeżoneraw (14). Huma mhumiex parti mill-provi li l-Kummissjoni tista’ toqgħod fuqhom fl-evalwazzjoni tagħha tal-każ. Għalhekk, il-partijiet mhumiex ser jingħataw aċċess għad-dokumenti interni fil-fajl tal-Kummissjoni (15). Minħabba n-nuqqas ta’ valur probatorju, din ir-restrizzjoni fuq l-aċċess għal dokumenti interni ma tmurx kontra t-tħaddim adekwat tad-dritt tal-partijiet li jiddefendu lilhom infushom (16).

13.

Id-dipartimenti tal-Kummissjoni m’għandhom l-ebda obbligu li jżommu minuti ta’ laqgħat (17) ma’ kwalunkwe persuna jew impriża. Jekk il-Kummissjoni tagħżel li tieħu noti f’ dawn il-laqgħat, dawn id-dokumenti huma l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni stess dwar dak li ntqal f’dawn il-laqgħat għal liema raġuni dawn jiġu klassifikati bħala dokumenti interni. Iżda meta l-persuna jew impriża in kwistjoni tkun qablet mal-minuti, dawn il-minuti jkunu aċċessibbli wara li jkunu tħassru minnhom kull sigriet tan-negozju jew kull informazzjoni kunfidenzjali oħra. Dawn il-minuti maqbula jagħmlu parti mill-provi li l-Kummissjoni tista’ toqgħod fuqhom waqt li tkun qed tevalwa l-każ (18).

14.

F’każ ta’ studju kkummissjonat b’rabta mal-proċeduri, il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-kuntrattur tagħha li tinkludi fiha l-evalwazzjoni tax-xogħol tal-kuntrattur jew dwar l-aspetti finanzjarji tal-investigazzjoni hija meqjusa bħala dokument intern u għalhekk mhux aċċessibbli.

3.1.2.    Korrispondenza ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra

15.

Każ partikulari ta’ dokument intern huwa l-korrispondenza tal-Kummissjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra u d-dokumenti interni li tirċievi mingħand dawn l-awtoritajiet (kemm minn pajjiżi membri tal-KE (“l-Istati Membri”) kif ukoll minn pajjiżi mhux membri). Eżempji ta’ dawn it-tip ta’ dokumenti li mhumiex aċċessibbli jinkludu:

korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, jew bejn dawn tal-aħħar (19);

korrispondenza bejn il-Kummissjoni u awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Istati Membri (20);

korrispondenza bejn il-Kummissjoni, l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA u l-awtoritajiet pubbliċi fi Stati tal-EFTA (21);

korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi li mhumiex membri, inklużi l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tagħhom, speċjalment fejn il-Kommunità u pajjiż terz ikunu kkonkludew ftehim dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni skambjata (22).

16.

F’ċerti ċirkostanzi eċċezzjonali, jingħata aċċess għal dokumenti li joriġinaw minn Stati Membri, mill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA jew minn Stati tal-EFTA, wara li jkunu ġew imħassra s-sigrieti tan-negozju kollha jew informazzjoni oħra kunfidenzjali. Il-Kummissjoni tikkonsulta mal-entità li tissottometti d-dokumenti qabel ma tagħti aċċess sabiex jiġu identifikati sigrieti tan-negozju jew informazzjoni oħra kunfidenzjali.

Dan huwa l-każ fejn id-dokumenti li oriġinaw minn Stati Membri jkun fihom allegazzjonijiet kontra l-partijiet, li l-Kummissjoni għandha teżamina, jew jagħmlu parti mill-evidenza għall-proċess investigattiv, b’mod simili għal dokumenti akkwistati minn partijiet privati. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

dokumenti u informazzjoni skambjati skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, u informazzjoni fornita lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003;

ilmenti mressqa minn Stat Membru skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

Aċċess jingħata wkoll għal dokumenti li joriġinaw mill-Istati Membri jew mill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA jekk dawn huma relevanti biex il-partijiet jiddefendu lilhom innfushom f’dak li għandu x’jaqsam mal-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Kummissjoni (23).

3.2.   Informazzjoni kunfidenzjali

17.

Il-fajl tal-Kummissjoni jista’ jinkludi wkoll dokumenti li fihom żewġ kategoriji ta’ informazzjoni, jiġifieri sigrieti tan-negozju u informazzjoni kunfidenzjali oħra, li l-aċċess għalihom jista’ jkun kollu kemm hu jew parzjalment ristrett (24). Fejn possibbli jingħata aċċess għal verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni oriġinali. F’każi fejn il-kunfidenzjalità tista’ tiġi garantita biss billi tiġi mqassra l-informazzjoni relevanti, jingħata aċċess għal taqsira. Id-dokumenti l-oħra kollha huma aċċessibbli fil-forma oriġinali tagħhom.

3.2.1.    Sigrieti tan-negozju

18.

Jekk l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-attività kummerċjali ta’ impriża jista’ jirriżulta fi ħsara kbira għall-istess impriża, din l-informazzjoni tikkostitwixxi sigrieti tan-negozju (25). Eżempju ta’ informazzjoni li tista’ tikkwalifika bħala sigriet tan-negozju tinkludi: informazzjoni teknika u/jew finanzjarja dwar in-know-how ta’ impriża, metodi għall-valutazzjoni tal-ispejjeż, sigrieti u proċessi marbuta mal-produzzjoni, sorsi tal-forniment, kwantitajiet prodotti u mibjugħa, l-ishma mis-suq, listi ta’ klijenti u fornituri, pjanijiet tal-marketing, l-istruttura tal-ispejjeż u prezzijiet u strateġiji tal-bejgħ.

3.2.2.    Informazzjoni kunfidenzjali oħra

19.

Il-kategorija “informazzjoni kunfidenzjali oħra” tinkludi informazzjoni oħra li mhix sigriet tan-negozju, li tista’ tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali, jekk l-għoti tagħha jista’ jagħmel ħsara sinjifikanti lil persuna jew impriża. Jiddependi miċ-ċirkostanzi speċifiċi f’kull każ, dan jista’ japplika għal informazzjoni fornuta minn partijiet terzi dwar impriżi, li huma kapaċi jagħmlu pressjoni ekonomika jew kummerċjali b’mod konsiderevoli fuq il-kompetituri tagħhom jew fuq l-imsieħba kummerċjali, klijenti jew fornituri tan-negozju tagħhom. Il-Qorti tal-Ewwel Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja ddikkjaraw, li huwa leġittimu li wieħed jirrifjuta li juri lil dawn it-tip ta’ intrapriżi, ċerti ittri li jkunu waslu mill-klijenti tagħhom, peress li l-wiri tagħhom jista’ faċilment jesponi lil min kitibhom għar-riskju ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni (26). Għalhekk il-kunċett ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra jista’ jinkludi informazzjoni li tista’ tippermetti lill-partijiet li jidentifikaw lil min ikun għamel l-ilment jew terzi persuni oħra li għandhom xewqa ġġustifikata li jibqgħu anonimi.

20.

Il-kategorija ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra tinkludi ukoll sigrieti militari.

3.2.3.    Kriterji għall-aċċettazzjoni ta’ talbiet għal trattament kunfidenzjali.

21.

L-Informazzjoni tiġi klassfikata bħala kunfidenzjali jekk il-persuna jew l-impriża tkun għamlet talba għal dan u jekk din it-talba tkun ġiet aċċettata mill-Kummissjoni (27).

22.

It-talbiet għall-kunfidenzjalità għandhom ikunu marbuta ma’ informazzjoni li taqa’ taħt id-deskrizzjonijiet ta’ sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra t’hawn fuq. Ir-raġunijiet għaliex din l-informazzjoni tiġi reklamata bħala sigriet tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra għandhom jiġu ssostanzjati (28). It-talbiet għall-kunfidenzjalità huma normalment relatati ma’ informazzjoni akkwistata mill-Kummissjoni mill-istess persuna jew impriża u mhux ma’ informazzjoni minn sorsi oħra.

23.

Iżda informazzjoni relatata ma’ impriża iżda li hija diġa magħrufa barra mill-impriża (f’każ ta’ grupp, barra mill-grupp) jew barra mill-assoċjazzjoni lil ġiet ikkomunikata lilha mill-impriża, normalment ma tiġix ikkunsidrata bħala kunfidenzjali (29). Informazzjoni li tilfet l-importanza kummerċjali tagħha, per eżempju mal-mogħdija taż-żmien, ma tistax tibqa’ titqies bħala kunfidenzjali. Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni tissupponi li informazzjoni relatata mal-qligħ tal-partijiet, mal-bejgħ, ma’ dejta dwar ishma fis-suq u informazzjoni simili li għandha aktar minn ħames snin ma tibqax kunfidenzjali (30).

24.

Fil-proċeduri taħt l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, jekk biċċa informazzjoni tikkwalifika bħala kunfidenzjali, dan il-fatt ma jistax iwaqqaf il-kxif tagħha jekk din it-tip ta’ informazzjoni hija meħtieġa biex jiġi verifikat allegat ksur (“dokument inkriminanti”) jew jista’ jkun meħtieġ biex jeżonera parti (“dokument eżoneranti”). F’dan il-każ, il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tal-partijiet li jiddefendu ruħhom permezz tal-provvista tal-akbar aċċess possibbli għall-fajl tal-Kummissjoni jista’ jirbaħ fuq l-interess li tiġi protetta informazzjoni kunfidenzjali ta’ partijiet oħra (31). Huwa f’idejn il-Kummissjoni li tevalwa jekk dawk iċ-ċirkostanzi japplikawx għal kull sitwazzjoni speċifika. Dan jitlob evalwazzjoni tal-elementi relevanti kollha, inklużi:

ir-relevanza tal-informazzjoni biex jiġi determinat jekk sarx ksur ta’ regolamenti jew le u l-valur probatorju tagħha;

jekk l-informazzjoni hijiex indispensabbli;

il-grad ta’ sensittività involut (kemm il-kxif tal-informazzjoni jista’ jagħmel ħsara lill-interessi tal-persuna jew impriża in kwistjoni)

il-ħarsa preliminari lejn il-grad ta’ serjetà tal-allegat ksur ta’ regolamenti

Kunsiderazzjonijiet simili japplikaw għall-proċeduri skont ir-Regolament dwar il-Konċentrazzjonjiet, meta l-wiri tal-informazzjoni ikun meqjus meħtieġ mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-proċedura (32).

25.

Fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li turi l-informazzjoni, il-persuna jew l-impirża in kwistjoni għandha tingħata l-possibilità li tforni verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti, li fihom l-informazzjoni tibqa’ bl-istess valur probatorju bħal dak tad-dokumenti oriġinali (33).

C.   Meta jingħata aċċess għall-fajl?

26.

Qabel ma tingħata notifika tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-partijiet m’għandhom l-ebda dritt għal aċċess għall-fajl.

1.   Fi proċeduri antitrust skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat.

27.

Jingħata aċċess għall-fajl fuq talba, u normalment, darba waħda biss, wara li tkun saret notifika dwar l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni lill-partijiet, sabiex jiġi żgurat il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-armi u tal-protezzjoni tad-drittijiet għad-difiża. Għalhekk, bħala regola ġenerali, ma jingħata l-ebda aċċess għal tweġibiet ta’ partijiet oħra għall-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.

Iżda parti tingħata aċċess għad-dokumenti li jaslu wara n-notifika tal-oġġezzjonijiet fi stadji ulterjuri tal-proċeduri amministrattivi, fejn dawn it-tip ta’ dokumenti jistgħu jinkludu evidenza ġdida – kemm ta’ natura inkriminanti kif ukoll ta’ natura eżoneranti-, rilevanti għal allegazzjonijiet li jikkonċernaw dik il-parti fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan huwa partikularment il-każ meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li toqgħod fuq provi ġodda.

2.   Fi proċeduri skont ir-Regolament dwar il-Konċentrazzjonjiet

28.

Skont l-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonjiet u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament dwar l-Implimentazzjoni tal-Konċentrazzjonjiet, il-partijiet li jiġu notifikati jingħataw aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fuq talba f’kull stadju tal-proċeduri minn wara li tkun ingħatat in-notifika tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni sal-konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. B’kuntrast għal dan, in-notifika ma tindirizzax il-possibilità li jingħataw id- dokumenti qabel mal-Kummissjoni tkun iddikkjarat l-oġġezzjonijiet tagħha lill-impriżi skont ir-Regolament dwar il-Konċentrazzjonjiet (34).

III.   MISTOQSIJIET PARTIKULARI DWAR MIN JAGĦMEL L-ILMENT U PARTIJIET OĦRA INVOLUTI

29.

Is-sezzjoni preżenti hija dwar sitwazzjonijiet fejn il-Kummissjoni tista’ jew għandha tagħti aċċess għal ċerti dokumenti li jinsabu fil-fajl tagħha lil min jagħmel l-ilment fi proċeduri antitrust u lil partijiet oħra involuti fi proċeduri ta’ inkorporazzjoni. Irrispettivament mill-kliem użat fir-regolamenti dwar l-implementazzjoni tal-antitrust u l-Konċentrazzjonjiet (35), dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet huma distinti — f’dak li għandu x’jaqsam mal-ambitu, iż-żmien u d-drittijiet— mill-aċċess għall-fajl kif definit fis-sezzjoni preċedenti ta’ din in-notifika.

A.   Għoti ta’ dokumenti lil dawk li jagħmlu ilment fi proċeduri antitrust

30.

Il-Qorti tal-Ewwel Istanza iddeċidiet (36) li min jagħmel ilment m’għandux l-istess drittijiet u garanziji bħall-partijiet li qed jiġu investigati. Għalhekk min jagħmel l-ilment ma jistax jitlob id-dritt ta’ aċċess għall-fajl bl-istess mod kif dan l-aċċess huwa stabbilit għall-partijiet.

31.

Iżda l-parti li tagħmel l-ilment, li skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar l-Implimentazzjoni, tkun ġiet infurmata bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li ser tirrifjuta l-ilment tagħha (37), tista’ titlob għal aċċess għad-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni tkun ibbażżat l-evalwazzjoni proviżorja tagħha (38). Min jagħmel l-ilment jingħata aċċess għal dawn id- dokumenti darba biss, wara li tkun ħarġet ittra li tinforma lil min jagħmel l-ilment bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-ilment tiegħu.

32.

Min jagħmel l-ilment m’għandux dritt għal aċċess għal sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra li l-Kummissjoni tkun akkwistat waqt l-investigazzjoni tagħha (39).

B.   Għoti ta’ dokumenti lil partijiet oħra involuti fi proċeduri ta’ konċentrazzjoni

33.

Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament dwar l-Implimentazzjoni tal-Konċentrazzjonjiet, għandu jingħata wkoll aċċess għall-fajl fi proċeduri ta’ konċentrazzjoni, jekk mitlub, lil partijiet oħra involuti li ġew infurmati bl-oġġezzjonijiet jekk dan ikun meħtieġ għall-preparazzjoni tal-kummenti tagħhom.

34.

Dawn il-partijiet oħra involuti jistgħu jkunu partijiet mill-grupp propost li mhumiex il-partijiet notifikati, bħall-bejjiegħ jew l-impriża li hija l-mira tal-konċentrazzjoni (40).

IV.   PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-AĊĊESS GĦALL-FAJL

A.   Proċedura preparatorja

35.

Kull persuna li tissottometti informazzjoni jew kummenti f’waħda mis-sitwazzjonijiet hawn taħt imsemmija, jew sussegwentament tissottometti aktar informazzjoni lill-Kummissjoni waqt l-istess proċeduri, għandha l-obbligu li tidentifika b’mod ċar kull materjal li hija tqis bħala kunfidenzjali, tagħti r-raġunijiet u tforni verżjoni separata mhux kunfidenzjali sad-data stipulata mill-Kummissjoni biex tagħti l-opinjoni tagħha (41):

a)

Fi proċeduri antitrust

min jirċievi dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni fejn tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-oġġezzjonijiet (42);

min jagħmel ilment fejn juri l-pożizzjoni tiegħu dwar dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni (43);

kull persuna fiżika jew ġuridika, li tapplika biex tinstema’ u turi interess suffiċjenti, jew li tiġi mistiedna mill-Kummissjoni biex tesprimi l-opinjoni tagħha, turi l-opinjoni tagħha bil-kitba jew bil-kliem f’seduta għas-smigħ (44);

min jagħmel l-ilment fejn jagħti l-opinjoni tiegħu dwar ittra mill-Kummissjoni li tinfurmah li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tirrifjuta l-ilment tiegħu (45).

b)

Fi proċeduri ta’ konċentrazzjoni

il-partijiet li jinnotifikaw jew partijiet oħra involuti li juru l-pożizzjoni tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni bil-ħsieb biex tittieħed deċiżjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ talba għal deroga mis-sospensjoni ta’ konċentrazzjoni u li taffettwa b’mod negattiv lil wieħed jew aktar minn dawn il-partijiet, jew biex titieħed deċiżjoni proviżorja marbuta mas-suġġett (46);

il-partijiet li jinnotifikaw li l-Kummissjoni tkun indirizzatilhom dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, partijiet oħra involuti li ġew infurmati b’dawn l-oġġezzjonijiet jew partijiet li l-Kummissjoni tkun indirizzatilhom oġġezzjonijiet bil-ħsieb li tingħata multa jew ħlas ta’ penali perjodikament, jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet (47);

terzi persuni li japplikaw biex jinstemgħu, jew kull persuna oħra fiżika jew ġuridika mistiedna mill-Kummissjoni biex tesprimi l-pożizzjoni tagħha, turi l- l-pożizzjoni tagħha bil-kitba jew bil-kliem f’seduta għas-smigħ (48);

kull persuna li tforni informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonjiet.

36.

Barra minn hekk il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li impriżi (49), fil-każijiet kollha fejn huma jipproduċu jew ipproduċew dokumenti, jidentifikaw id-dokumenti jew partijiet ta’ dokumenti, li huma jaħsbu li jinkludu sigrieti tan-negozju jew informazzjoni oħra kunfidenzjali tagħhom, u jidentifikaw l-impriżi li f’dak li għandu x’jaqsam magħhom dawn it-tip ta’ dokumenti għandhom jitqiesu bħala kunfidenzjali (50).

37.

Sabiex talbiet għall-kunfidenzjalità kif imsemmija fil-paragrafu 36 hawn fuq jiġu trattati malajr, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih l-impriżi għandhom: (i) jissostanzjaw it-talba tagħhom għall-kunfidenzjalità għal kull dokument individwali jew għal parti ta’ dokument; (ii) ifornu lill-Kummissjoni b’verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti, li fihom il-partijiet kunfidenzjali għandhom jiġu mħassra (51). Fi proċeduri antitrust l-impriżi in kwistjoni għandhom ukoll ifornu fiż-żmien stipulat deskrizzjoni konċiża ta’ kull biċċa informazzjoni mħassra (52).

38.

Il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali u d-deskrizzjonijiet tal-informazzjoni mħassra għandhom isiru b’tali mod li l-parti li għandha aċċess għall-fajl tkun tista’ tiddermina jekk l-informazzjoni mħassra tistax tkun relevanti għad-difiża tagħha u għalhekk jekk hemmx raġunijiet biżżejjed biex titlob lill-Kummissjoni biex tagħti aċċess għall-informazzjoni dikjarata bħala kunfidenzjali.

B.   Trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali

39.

Fi proċeduri antitrust, jekk impriżi ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 35 sa 37 hawn fuq, il-Kummissjoni tista’ tassumi li d-dokumenti jew dikjarazzjonijiet konċernati ma jinkludux informazzjoni kunfidenzjali (53). Konsegwentament il-Kummissjoni tista’ tassumi li l-impriża m’għandha l-ebda oġġezzjoni għall-wiri tad-dokumenti jew dikjarazzjonijiet konċernati fl-intier tagħhom.

40.

Kemm fi proċeduri antitrust kif ukoll fi proċeduri skont ir-Regolament dwar il-Konċentrazzjonjiet, jekk il-persuna jew l-impriża in kwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet imniżżla fil-paragrafi 35 sa 37 t’hawn fuq, sakemm huwa applikabbli, il-Kummissjoni jew:

proviżorjament taċċetta t-talbiet li jidhru ġustifikati jew

tinforma lill-persuna jew lill-impriża in kwistjoni li hi ma taqbilx totalment jew parzjalment mat-talba għall-kunfidenzjalità, fejn jidher li t-talba mhux ġustifikata.

41.

Il-Kummissjoni tista’ tirrevoka totalment jew parzjalment l-aċċettazzjoni proviżorja tat-talba għall-kunfidenzjalità fi stadju ulterjuri.

42.

Jekk id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni ma jaqbilx mat-talba għall-kunfidenzjalità mill-bidunett, jew jekk ikun tal-opinjoni li l-aċċettazzjoni proviżorja tat-talba għall-kunfidenzjalità għandha tiġi revokata, u għalhekk għandu l-intenzjoni li jikxef informazzjoni, huwa jagħti l-opportunità lill-persuni jew impriżi in kwistjoni li jesprimu l-pożizzjonijiet tagħhom. F’dawn it-tip ta’ każijiet id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni għandu jinforma bil-miktub lill-persuna jew impriża in kwistjoni bl-intenzjoni tiegħu li jikxef l-informazzjoni, jagħti r-raġunijiet tiegħu u jistipula limitu ta’ żmien li fih din il-persuna jew impriża tista’ tinfurmah bil-miktub dwar il-pożizzjoni tagħha. Jekk wara s-sottomissjoni ta’ din il-pożizzjoni jibqa’ ikun hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-kunfidenzjalità, il-każ jiġi trattat mill-Uffiċċjal tas-Smigħ skont it-termini ta’ referenza tal-Kummissjoni għall-Uffiċċjali tas-Smigħ (54).

43.

Jekk hemm riskju li impriża li għandha l-kapaċità li tpoġġi pressjoni ekonomika jew kummerċjali konsiderevoli fuq il-kompetituri tagħha jew fuq l-imsieħba kummerċjali, il-klijenti jew il-fornituri tagħha, tadotta miżuri ta’ ritaljazzjoni kontrihom, bħala konsegwenza tal-kollaborazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni (55), il-Kummissjoni tipproteġi l-anonimità tal-awturi billi tagħti aċċess għal verżjoni mhux kunfidenzjali jew għal sommarju tat-tweġibiet in kwistjoni (56). F’dawn iċ-ċirkostanzi t-talbiet għall-anonimità kif ukoll talbiet għall-anonimità skont il-punt 81 tan-notifika tal-Kummissjoni dwar it-trattament ta’ ilmenti (57) jiġu trattati skont il-paragrafi 40 sa 42 hawn fuq.

C.   Għoti ta’ aċċess għall-fajl

44.

Il-Kummissjoni tista’ tiddermina li l-aċċess għall-fajl jingħata permezz ta’ wieħed mill-mezzi li ġejjin, filwaqt li tikkunsidra l-kapaċitajiet tekniċi tal-partijiet:

permezz ta’ CD-ROM(s) jew tagħmir ieħor elettroniku għall-ħażna ta’ dejta li jista’ jkun disponibbli fil-futur;

permezz ta’ kopji fuq karti tal-fajl aċċessibbli li jinbagħtu lilhom bil-posta;

billi tistedninhom biex jiġu jeżaminaw il-fajl aċċessibli fil-kwartieri tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tista’ tagħżel kull kombinazzjoni ta’ dawn il-metodi.

45.

Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-fajl, il-partijiet jirċievu lista enumerattiva tad-dokumenti li turi l-kontenut tal-fajl, kif definit fil-paragrafu 8 aktar ’il fuq.

46.

L-aċċess jingħata għal evidenza kif tinsab fil-fajl tal-Kummissjoni, fil-forma oriġinali tagħha: il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tforni traduzzjoni tad-dokumenti fil-fajl (58).

47.

Jekk wara li tkun akkwistat l-aċċess għall-fajl, parti tikkunsidra li għandha bżonn konoxxenza ta’ informazzjoni speċifika li mhix aċċessibbli għad-difiża tagħha, hija tista’ tissottometti talba ġustifikata għal dan lill-Kummissjoni. Jekk is-servizzi tad-Diretorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni ma jkunux f’pożizzjoni li jaċċettaw din it-talba u jekk il-parti ma taqbilx ma’ din il-pożizzjoni, il-każ jiġi solvut mill-Uffiċċjal tas-Smigħ, skont it-termini ta’ referenza applikabbli għall-Uffiċċjali tas-Smigħ (59).

48.

L-aċċess għall-fajl skont din in-notifika jingħata bil-kundizzjoni li l-informazzjoni akkwistata minnu tista’ tintuża biss għal skopijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Kommunità dwar il-kompetizzjoni in kwistjoni fil-proċeduri amministrattivi relatati (60). Jekk l-informazzjoni tintuża għal skopijiet differenti, f’kull ħin, bl-involviment ta’ prosekutur barrani, il-Kummissjoni tista’ tirraporta l-inċidenti biex tiġi miżmuma l-attività tal-prosekutur, bil-ħsieb ta’ azzjoni dixxiplinarja.

49.

Bl-eċċezzjoni tal-paragrafi 45 u 47, din is-sezzjoni C tapplika bl-istess mod għall-għoti ta’ aċċess għal dokumenti lil min jagħmel l-ilment (fi proċeduri antitrust) u lil partijiet oħra involuti (fi proċeduri dwar il-konċentrazzjonjiet).


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regolamenti stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, ĠU L 1, 4.1.2003, paġni 1-25.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 t’April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, ĠU L 123, 27.4.2004, paġni 18-24.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll tal-konċentramenti bejn l-impriżi, ĠU L 24, 29.1.2004, paġni 1-22.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tal-21 t’April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentramenti bejn l-impriżi, ĠU L 133, 30.4.2004, paġni 1-39. Emendat fil- ĠU L 172, 6.5.2004, paġna 9.

(5)  Ir-referenzi f’din in-notifika għall-Artikoli 81 u 82 għalhekk japplikaw ukoll għall-Artikoli 53 u 54 tal-Ftehim taż-ŻEE.

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ĠU L 145, 31.5.2001, paġna 43. Ara pereżempju l-każ T-2/03, Verein für Konsumenteninformation vs l-Kummissjoni, deċiżjoni tat-13 t’April 2005, għadha mhix pubblikata.

(7)  In-Notifika tal-Kummissjoni dwar ir-regolamenti ta’ proċeduri interni għall-ipproċessar ta’ talbiet għall-aċċess għall-fajl fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikoli 85 u 86 [issa 81 u 82] tat-Trattat tal-KE, l-Artikoli 65 u 66 tat-Trattat tal- ECSC u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, ĠU C 23, 23.1.1997, paġna 3.

(8)  ĠU L 162, 19.6.2001, paġna 21.

(9)  B’mod partikolari fil-Każijiet Konġunti T-25/95 et al., Cimenteries CBR SA et al. vs l-Kummissjoni, [2000] ECR II-0491.

(10)  Fil-bqija ta’ din in-notifika, it-terminu “impriża” jinkludi kemm impriżi kif ukoll assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. It-terminu “persuna” jinkludi persuni fiżiċi u ġuridiċi. Ħafna entitajiet huma persuni ġuridiċi u impriżi fl-istess ħin; f’dan il-każ jiġu koperti miż-żewġ termini. L-istess japplika jekk persuna fiżika hija impriża skont it-tifsira tal-Artikoli 81 u 82. Fi proċeduri għall-Konċentrazzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-persuni li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonjiet, anke jekk huma persuni fiżiċi. Jekk entitajiet li mhumiex impriżi u m’ għandhomx personalità ġuridika jiġu involuti fi proċeduri tal-Kummissjoni marbuta mal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni, fejn jgħodd, tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din in-Notifika mutatis mutandis.

(11)  Cf. Artikolu 15(1) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni, mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonjiet u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonijiet.

(12)  Fin-notifika it-terminu “dokument” jintuża għall-forom kollha ta’ informazzjoni, irrispettivament mill-mezz tal-ħażna tagħhom. Dan ikopri ukoll kull tagħmir għall-ħażna ta’ dejta elettronika kif inhu jew kif jista’ jiġi disponibbli.

(13)  Cf. Artikolu 27(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-Artikoli 15(2) u 16(1) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni, u l-Artikolu 17(3) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonijiet. Dawk l-eċċezzjonijiet huma wkoll imsemmija fil-Każ T-7/89, Hercules Chemicals vs il-Kummissjoni, [1991] ECR II-1711, paragrafu 54. Il-Qorti iddeċidiet li mhuwiex kompetenza tal-Kummissjoni biss li tiddeċiedi liema dokumenti fil-fajl jistgħu jkunu meħtieġa għad-difiża (Cf. mal-każ T-30/91 Solvay vs il-Kummissjoni, [1995] ECR II-1775, paragrafi 81-86, u l-każ T-36/91 ICI vs l-Kummissjoni, [1995] ECR II-1847, paragrafi 91-96).

(14)  Eżempji ta’ dokumenti interni huma abbozzi, opinjonijiet, memorandums jew noti mid-dipartimenti tal-Kummissjoni jew minn awtoritajiet pubbliċi oħra konċernati.

(15)  Cf. Artikolu 27(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Dwar l-Implementazzjoni, u l-Artikolu 17(3) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonijiet.

(16)  Cf. Paragrafu 1 hawn fuq.

(17)  Cf. Id-Deċiżjoni tat-30.9.2003 fil-Każijiet Konġunti T-191/98 u T-212/98 għal T-214/98 Atlantic Container Line u oħrajn vs il-Kummissjoni (TACA), [2003] ECR II-3275, paragrafi 349-359.

(18)  Dikjarazzjonijiet reġistrati skont l-Artikolu 19 jew l-Artikolu 20(2)(e) tar-Regolament 1/2003 jew l-Artikolu 13(2)(e) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonjiet normalment jagħmlu parti mid-dokumenti aċċessibbli (ara paragrafu 10 iżjed ‘il fuq).

(19)  Cf. Artikolu 27(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni, l-Artikolu 17(3) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonijiet.

(20)  Cf. Ordni tal-Qorti tal-Ewwel Istanza fil-każijiet T-134/94 et al NMH Stahlwerke u oħrajn vs l-Kummissjoni [1997] ECR II-2293, paragrafu 36, u l-każ T-65/89, BPB Industries u British Gypsum [1993] ECR II-389, paragrafu 33.

(21)  F’din in-notifika l-frażi “Stati tal-EFTA” tinkludi l-Istati tal-EFTA li huma partijiet għall-ftehim taż-ŻEE.

(22)  Pereżempju, l-Artikolu VIII.2 tal-Ftehim bejn il-Kommunitajiet Ewropej u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet dwar il-kompetizzjoni tagħhom (ĠU L 95, 27.4.1995, paġni 47) jistipula li l-informazzjoni provvduta b’mod kunfidenzjali skont il-Ftehim għandha tiġi protetta “bl-aktar mod possibbli”. L-Artikolu joħloq obbligu fil-liġi internazzjonali li jorbot lill-Kummissjoni.

(23)  F’dak li għandu x’jaqsam mal-kontroll tal-inkorporazzjoni, dan jista’ japplika partikularment għal sottomissjonijiet minn stat membru skont l-Artikolu 9 (2) tar-Regolament dwar Il-Konċentrazzjonjiet b’referenza għal każijiet.

(24)  Cf. Artikolu 16(1) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni u l-Artikolu 17(3) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonjiet; il-każ T-7/89 Hercules Chemicals NV vs l-Kummissjoni, [1991] ECR II-1711, paragrafu 54; il-każ T-23/99, LR AF 1998 A/S vs l-Kummissjoni, [2002] ECR II-1705, paragrafu 170.

(25)  Deċiżjoni tal-18.9.1996 fil-każ T-353/94, Postbank NV vs l-Kummissjoni, [1996] ECR II-921, paragrafu 87.

(26)  Il-Qrati tal-Kommunità iddeċidew dwar din il-kwistjoni fiż-żewġ każijiet ta’ allegati abbużi minn pożizzjonijiet dominanti (l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE) (il-każ T-65/89, BPB Industries u British Gypsum [1993] ECR II-389; u l-każ C-310/93P, BPB Industries u British Gypsum [1995] ECR I-865), u f‘każijiet ta’ Għaqdiet (il-każ T-221/95 Endemol vs l-Kummissjoni [1999] ECR II-1299, paragrafu 69, u l-każ T-5/02 Laval vs l-Kummissjoni [2002] ECR II-4381, paragrafu 98 u ta’ warajh).

(27)  Ara paragrafu 40 aktar ’l isfel.

(28)  Ara paragrafu 35 aktar ’l isfel.

(29)  Iżda, sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra li jingħataw lil assoċjazzjonijiet kummerċjali jew professjonali mill-membri tagħha ma jitilfux in-natura kunfidenzjali tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ terzi partijiet u għalhekk ma jistgħux jiġu mgħoddija lil min jagħmel l-ilment. Cf. mal-każijiet konġunti 209 sa 215 u 218/78, Fedetab, [1980] ECR 3125, paragrafu 46.

(30)  Ara paragrafi 35-38 aktar ‘l isfel dwar il-mistoqsija lil impriżi biex tiġi identifikata informazzjoni kunfidenzjali.

(31)  Cf. Artikolu 27(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u l-Artkolu 15(3) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni.

(32)  L-Artikolu 18(1) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonjiet.

(33)  Cf. Paragrafu 42 aktar ‘l isfel.

(34)  Din il-kwistjoni hija trattata fid-dokument tad-Direttorat Ġenerali dwar il-Kompetizzjoni “DG COMP L-Aħjar Prattiċi għat-tmexxija ta’ proċeduri għall-kontroll tal-Konċentrazzjonjiet tal-KE”, disponibbli fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni: http://europa.eu.int/comm/competition/index_en.html.

(35)  Cf. Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni, li jitkellem dwar “aċċess għal dokumenti” għal min jagħmel l-ilment u l-Artikolu 17(2) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonjiet li jitkellem dwar “aċċess għall-fajl” għal partijiet oħra involuti “jekk dan ikun meħtieġ sabiex jippreparaw il-kummenti tagħhom”.

(36)  Ara l-każ T-17/93 Matra-Hachette SA vs l-Kummissjoni, [1994] ECR II-595, paragrafu 34. Il-Qorti ordnat li id-drittijiet ta’ terzi persuni, kif stabbiliti permezz tal-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6.2.1962 (issa mibdul mill-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003), kienu limitati biss għad-dritt li jipparteċipaw fil-proċeduri amministrattivi.

(37)  Permezz ta’ ittra maħruġa skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni.

(38)  Cf. Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni.

(39)  Cf. Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni.

(40)  Cf. Artikolu 11(b) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonjiet.

(41)  Cf. Artikolu 16(2) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni u mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonjiet.

(42)  Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni.

(43)  Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni.

(44)  Skont l-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni.

(45)  Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni.

(46)  L-Artikolu 12 tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonjiet.

(47)  L-Artikolu 13 tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonjiet.

(48)  Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonjiet.

(49)  Fi proċeduri għall-inkorporazzjoni, l-prinċipji mniżżla f’dan il-paragrafu u l-paragrafi sussegwenti japplikaw ukoll għall-persuni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonjiet.

(50)  Cf. Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni u mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonjiet. Dan japplika ukoll għal dokumenti miġbura mill-Kummissjoni waqt spezzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonjiet u l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(51)  Cf. Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni u mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonjiet.

(52)  Cf. Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni.

(53)  Cf. Artikolu 16 tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni.

(54)  Cf. Artikolu 9 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23.5.2001 dwar it-termini ta’ referenza ta’ Uffiċċjali tas-Smigħ ta’ każijiet f’ċerti proċeduri marbuta mal-kompetizzjoni (ĠU L 162 19.6.2001, p. 21).

(55)  Cf. Paragrafu 19 t’hawn fuq.

(56)  Cf. Każ T-5/02, Tetra Laval vs l-Kummissjoni, [2002] ECR II-4381, paragrafu 98, 104 u 105.

(57)  Notifika tal-Kummissjoni dwar it-trattament ta’ ilmenti mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 65).

(58)  Cf. Każ T-25/95 et al. Cimenteries, paragrafu 635.

(59)  Cf. Artikolu 8 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 23.5.2001 dwar it-termini ta’ referenza ta’ uffiċċjali għas-smigħ ta’ każijiet f’ċerti proċeduri marbuta mal-kompetizzjoni (ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21).

(60)  Cf. Artikoli 15(4) u 8(2) tar-Regolament Dwar l-Implementazzjoni, respettivament, u mal-Artikolu 17(4) tar-Regolament dwar l-Implementazzjoni tal-Konċentrazzjonjiet.