ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 133

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
14 ta' April 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

il-514 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-17 u d-18 ta' Frar 2016

2016/C 133/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew b’appoġġ għall-Ftehim ta’ Schengen — Il-liberta’ li niċċaqalqu, nappoġġjaw il-Ftehim ta’ Schengen

1

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

il-514 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-17 u d-18 ta' Frar 2016

2016/C 133/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-futur tal-Aġenda Urbana tal-UE kif jidher mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Netherlandiża tal-UE)

3

2016/C 133/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-ġlieda kontra l-faqar (Opinjoni esploratorja)

9


 

Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

il-514 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-17 u d-18 ta' Frar 2016

2016/C 133/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali [COM(2015) 468 final]

17

2016/C 133/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta’ obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima [COM(2015) 646 final – 2015/0296 (CNS)]

23

2016/C 133/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Lejn Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET) integrat — l-aċċelerazzjoni tat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija Ewropea [C(2015) 6317 final]

25

2016/C 133/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Istrateġija tal-UE dwar it-Tkabbir [COM(2015) 611 final]

31

2016/C 133/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016 [COM(2015) 690 final] u L-abbozz ta’ rapport konġunt dwar l-impjiegi li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 [COM(2015) 700 final]

37


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

il-514 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-17 u d-18 ta' Frar 2016

14.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew b’appoġġ għall-Ftehim ta’ Schengen

Il-liberta’ li niċċaqalqu, nappoġġjaw il-Ftehim ta’ Schengen

(2016/C 133/01)

Il-moviment liberu huwa l-akbar suċċess tanġibbli tal-integrazzjoni Ewropea. Il-Ftehim ta’ Schengen, li jippermetti lill-persuni jivvjaġġaw liberament minn pajjiż għal ieħor għax-xogħol, l-istudju u d-divertiment, u li jeħles il-moviment ta’ merkanzija u servizzi minn ostakli materjali, huwa l-pedament tas-suq intern li jiswa EUR 2 800 biljun, jinvolvi 1,7 miljun ħaddiem li jaqsmu l-fruntieri interni u jirrappreżenta 57 miljun moviment transkonfinali bit-triq annwali. It-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni għandha rwol sinifikanti fit-tneħħija tal-ostakli, ġabet lill-persuni iktar qrib xulxin u tat spinta lill-ekonomija Ewropea. Diversi ġenerazzjonijiet ta’ Ewropej kibru bil-benefiċċji tax-Schengen mingħajr ma jafu. Li nerġgħu lura għall-kontrolli fuq il-fruntieri interni jfisser spiża stmata ta’ EUR 100 biljun, li tirrappreżenta 0,8 % tal-PDG; u nsiru ifqar kulturalment, soċjalment u ekonomikament.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja bis-sħiħ il-prinċipji li wasslu lill-Istati Membri firmatarji għall-Ftehim tal-1985, jiġifieri “konxji li l-unjoni dejjem eqreb bejn il-popli tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għandha tiġi riflessa fil-libertà tal-qsim ta’ fruntieri interni għaċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri u fiċ-ċaqlieq ħieles ta’ merċa u servizzi” u “anzjużi biex isaħħu s-solidarjetà bejn il-popli tagħhom billi jneħħu l-ostakli għaċ-ċaqliq ħieles fil-fruntieri komuni bejn l-Istati […]”. Dan il-Ftehim kellu l-għan li jikseb l-unjoni tal-popli u s-solidarjetà bejn il-popli. Għaldaqstant l-imminar ta’ dan il-Ftehim, mhux biss ikollu konsegwenzi ekonomiċi tal-biża, iżda jista’ jġib il-qerda tas-solidarjetà u l-Unjoni nnifisha.

Il-Kumitat jappoġġja wkoll bis-sħiħ il-prinċipju li wassal lill-Istati Membri firmatarji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE li jistabilixxu li “l-Unjoni għandha tiżviluppa politika bl-għan li […] tassigura li ma jkun hemm l-ebda kontroll fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni”, filwaqt li jipprovdu għal ġestjoni effettiva ta’ kontroll fil-fruntieri esterni (Artikolu 77(1)).

Il-membri tal-KESE, bħala rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Ewropea, għaldaqstant huwa dejjem aktar imħassbin dwar il-pressjoni li qed issir fuq il-Ftehim ta’ Schengen. Il-KESE jappella lill-gvernijiet tal-Ewropa biex ma jaqgħux għall-pressjoni u l-biża’ populista imma minflok jiddefendu d-drittijiet li stinkajna tant għalihom. Il-Kumitat jirrikonoxxi li avvenimenti riċenti qajmu kwistjonijiet serji dwar il-lakuni fil-qafas tal-fruntieri Ewropej u l-kapaċità tagħna li effettivament nikkontrollaw il-moviment ta’ dawk li jixtiequ jagħmlu l-ħsara. Dan it-tħassib għandu jiġi indirizzat, iżda l-problema mhix il-Ftehim ta’ Schengen u dan m’għandux jintuża bħala skuża faċli. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jevitaw akkost ta’ kollox li r-regoli ta’ Schengen, u għaldaqstant is-Suq Intern, jispiċċaw fix-xejn, li fl-aħħar mill-aħħar ikun ta’ ħsara għalina lkoll.

Iż-żona Schengen ma tistax tkun b’saħħitha daqs l-iktar ħolqa dgħajfa tagħha. Il-protezzjoni tal-fruntieri tal-UE għandha tkun eżerċizzju komuni, bl-Istati Membri kollha jaqsmu r-responsabbiltà biex jiżguraw dan. L-impenji li ħadu l-Istati Membri biex jimplimentaw u jsaħħu Frontex operattiva u effiċjenti, għandhom jiġu rispettati. Mingħajr il-kontrolli tal-fruntieri esterni effiċjenti, l-Unjoni mhux se tkun tista’ tagħti aċċess għal dawk ir-refuġjati li għandhom bżonn l-għajnuna. Kontrolli tal-fruntieri esterni effiċjenti, fl-aħħar mill-aħħar huma prekundizzjoni biex tinżamm is-Sistema ta’ Schengen. Is-sigurtà tal-fruntieri ma tfissirx l-għeluq tagħhom għal min għandu bżonn protezzjoni għal raġunijiet umanitarji, skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

Għandna nkunu ppreparati nilħqu soluzzjonijiet kuraġġużi li kapaċi jħarsu d-drittijiet tagħna filwaqt li jipproteġu l-Unjoni tagħna bla fruntieri interni, li tippermetti lin-nies li jaħdmu, jinnegozjaw, jistudjaw, jiskambjaw l-ideat, il-prodotti u s-servizzi b’mod ħieles. Din hija l-Ewropa tagħna, ix-Schengen tagħna u d-drittijiet fundamentali u soċjali tagħna li għandha bżonn niddefendu.

Il-Kumitat għalhekk għamel sejħa lill-organizzazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tas-soċjetà ċivili biex juru l-appoġġ tagħhom mhux biss għaż-żamma iżda wkoll għall-konsolidazzjoni taż-żona Schengen u t-tkabbir tagħha. Huwa jimpenja ruħu min-naħa tiegħu, li jintervjeni fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u b’mod partikolari tal-Kunsill, sabiex l-Istati Membri jibqgħu leali lejn il-prinċipji tat-trattati u l-ftehimiet li jirrappreżentaw kisbiet kbar għall-Unjoni u l-popli Ewropej.

Brussell, is-17 ta’ Frar 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

il-514 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-17 u d-18 ta' Frar 2016

14.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/3


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-futur tal-Aġenda Urbana tal-UE kif jidher mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili”

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Netherlandiża tal-UE)

(2016/C 133/02)

Relatur:

is-Sur Roman HAKEN

Nhar it-28 ta’ Awwissu 2015, is-Sur R.H.A. Plasterk, mill-Ministeru għall-Intern u r-Relazzjonijiet tar-Renju tan-Netherlands, f’isem il-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li jħejji opinjoni esploratorja dwar

“Il-futur tal-Aġenda Urbana tal-UE kif jidher mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili.”

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Netherlandiża tal-UE)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Jannar 2016.

Matul il-514-il sessjoni plenarja tiegħu, li saret fis-17 u t-18 ta’ Frar 2016 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’214-il vot favur u vot 1 kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-Aġenda Urbana tal-UE (1) ser tinfluwenza direttament il-ħajja ta’ 80 % taċ-ċittadini tal-UE li ser ikunu qed jgħixu fil-bliet u l-irħula sal-2050. Sabiex jiġu formulati l-aktar dispożizzjonijiet effettivi u tiġi żgurata l-aċċettazzjoni pubblika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwa importanti li jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu msieħba ugwali fid-diskussjonijiet u l-implimentazzjoni tal-UE. L-inizjattiva tal-Presidenza Netherlandiża tressaq l-ibliet lejn iċ-ċentru tad-diskussjonijiet dwar l-iżvilupp għall-ewwel darba fl-istorja tal-UE. Il-KESE jitlob lill-Kunsill sabiex jirrikonoxxi l-livell muniċipali fid-diversità kollha tiegħu bħala sieħeb ta’ valur fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea.

1.2.

Il-KESE jara l-ħidma fi sħubijiet bħala mod effettiv fl-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet estensivi u kumplikati. Għalhekk, il-KESE japprezza l-prinċipju tas-sħubija, li finalment qiegħed jiġi applikat matul il-kors tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 (2).

1.3.

Is-sħubija hija prinċipju għas-servizzi pubbliċi moderni – kemm vertikali kif ukoll orizzontali. Bħala eżempju ieħor ta’ din il-kooperazzjoni, il-KESE jissuġġerixxi li tingħata ħarsa lejn is-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) bħala mudell għall-finanzjament ta’ proġetti urbani, diversi intrapriżi soċjali, kif ukoll programmi bbażati fuq is-sħubija Ewropea, bħal Equal (3). Hija r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika f’diversi livelli, b’mod partikolari fl-ibliet, li tlaqqa’ lill-imsieħba rilevanti flimkien fi proġetti konġunti u li tuża l-finanzjament b’mod effettiv.

1.4.

Waħda mill-isfidi li ser tiffaċċja l-Aġenda Urbana hija kif jiġu implimentati l-istrateġiji żviluppati minn sħubijiet tematiċi. Huwa kruċjali li jintuża l-approċċ minn isfel għal fuq fil-ħolqien tas-sħubijiet u fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-approċċ minn isfel għal fuq, li mhuwiex l-istess bħal approċċ ibbażat fuq gruppi ta’ esperti. Huwa importanti li jiġi ċċarat kif l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ser jaħdmu mal-partijiet interessati tagħhom – kif ser jirrapportaw lura, jikkonsultaw, eċċ.

1.5.

Meta nkunu qed niżviluppaw l-Aġenda Urbana l-ġdida tal-UE, is-sħubijiet orizzontali huma importanti daqs is-sħubijiet vertikali (tematiċi). Dawn ser joperaw primarjament fil-livell lokali fl-ibliet. Huma importanti mhux biss għal ħsieb strateġiku iżda speċjalment biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. L-istrateġiji lokali żviluppati mis-sħubijiet lokali b’għarfien tas-sitwazzjoni lokali huma l-aqwa mod kif jiġu inkorporati r-rakkomandazzjonijiet mil-livell tal-UE u kif dawn jiġu implimentati b’mod effettiv. Waħda mill-għodod li jirrakkomanda l-KESE għal dan il-għan hija s-CLLD (4).

1.6.

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Aġenda Urbana l-ġdida tal-UE, jeħtieġ li:

(a)

jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet bażiċi tal-imsieħba involuti u tingħata attenzjoni lill-bini tal-kapaċità (primarjament għas-sħubijiet muniċipali orizzontali). Għal dan il-għan, il-KESE jirrakkomanda li jintużaw ir-riżorsi tal-“assistenza teknika” tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE);

(b)

jitħejjew rakkomandazzjonijiet metodoloġiċi dwar il-prinċipji ta’ sħubijiet urbani responsabbli. Huwa importanti li jkun hemm metodoloġija għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Aġenda Urbana, inklużi indikaturi li jkunu jistgħu jkejlu l-bidliet miksuba. Jeħtieġ li l-imsieħba, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jiġu involuti fl-evalwazzjoni u fil-monitoraġġ.

1.7.

Il-KESE jixtieq li jara kjarifika tal-mod kif is-sħubijiet tematiċi ser jittrattaw il-kwistjonijiet u l-isfidi ta’ żvilupp urban. L-isħubijiet orizzontali għandhom ikunu dawk li jimplimentaw miżuri speċifiċi f’żoni urbani speċifiċi. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi żgurat li jsir skambju ta’ prassi tajba permezz ta’ avvenimenti speċifiċi. Huwa essenzjali li r-reġjuni kollha tal-UE jiġu inklużi b’mod ugwali (speċjalment fin-nofsinhar u fil-lvant tal-Ewropa). L-Aġenda Urbana ser ikollha tirrikonoxxi r-relazzjonijiet bejn l-ibliet u l-irħula u ż-żoni periurbani kontigwi/tal-madwar li jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja urbana. L-Aġenda Urbana ma għandhiex tkun f’kunflitt ma’ jew tillimita l-iżvilupp taż-żoni rurali.

1.8.

Għadd ta’ temi huma interkonnessi u sa ċertu punt jikkoinċidu. L-implimentazzjoni tal-miżuri li jittrattaw tema waħda ser tinfluwenza tema oħra jew għadd ta’ temi oħrajn. Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-miżuri maħsuba biex itejbu s-sitwazzjoni f’qasam wieħed ma jkollhomx effett negattiv fuq qasam ieħor. Dan jikkonċerna mhux biss l-UE iżda anki l-livell nazzjonali.

1.9.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Parteċipazzjoni taċ-Ċittadini u tal-Komunitajiet Urbani tiġi inkluża bħala tema ġdida fl-Aġenda Urbana. Il-bliet jeħtieġu mekkaniżmu li jiffunzjona għat-tisħiħ taċ-ċittadini u ta’ gruppi ta’ ċittadini sabiex dawn jistgħu jkunu msieħba sodi u reali fid-diskussjonijiet u fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-iżvilupp għall-ibliet tagħhom u fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana. Hija biss komunità b’saħħitha u kunfidenti fiha nnifisha b’kapital soċjali għoli li tkun tista’ tindirizza l-isfidi li qegħdin jinħolqu. Il-KESE huwa lest biex jaħdem fuq it-tlaħħim ta’ din l-idea.

1.10.

Għandhom jiġu inklużi wkoll elementi bħall-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, bis-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha, u b’mod partikolari l-Għan 11 (“Il-bliet u kull fejn jgħammru n-nies isiru iktar inklużivi, sikuri, reżiljenti u sostenibbli”) għandu jiġi inkluż ukoll. Il-KESE adotta pożizzjoni dwar dan is-suġġett f’Settembru 2015 (5). L-UE ma għandhiex kompetenzi ugwali fl-oqsma ta’ politika kollha u, b’mod partikolari, is-setgħat tagħha fir-rigward tal-kwistjonijiet soċjali ma jidhrux li huma b’saħħithom biżżejjed. Huwa diskutibbli jekk l-UE tistax tinfluwenza l-iżvilupp urban fil-qasam soċjali jew tivvaluta b’mod adegwat l-impatt soċjali tal-miżuri implimentati f’oqsma ta’ politika oħrajn. Għalkemm l-impatti ambjentali jistgħu jiġu identifikati permezz tal-proċedura tal-EIA, il-valutazzjoni tal-impatt soċjali għadha nieqsa.

1.11.

Il-KESE huwa interessat li jsir membru komprensiv tal-grupp ta’ tmexxija tal-Aġenda Urbana tal-UE u li jipparteċipa fis-sħubijiet tal-Aġenda Urbana. Il-KESE jirrappreżenta lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri kollha, organizzazzjonijiet li huma rrispettati u li għandhom għarfien espert, u li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp urban.

2.   Is-sħubija bħala prinċipju fl-Aġenda Urbana tal-UE u l-involviment tal-KESE fl-Aġenda Urbana

2.1.

L-Aġenda Urbana tissuġġerixxi l-ħolqien ta’ sħubijiet li jikkonsistu f’madwar 15-il membru, li 11 minnhom ikunu rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet pubbliċi (bliet, Stati Membri, rappreżentanti tal-Kummissjoni). Membri oħrajn jistgħu jkunu ġejjin mill-awtoritajiet ġestjonali tal-FSIE, esperti u NGOs. Il-KESE jiddispjaċih li huwa kien mistieden jikkummenta dwar dan is-suġġett biss wara li wħud mis-sħubijiet kienu diġà ġew stabbiliti.

2.2.

Il-KESE jissuġġerixxi li tiġi adottata rappreżentanza aktar bilanċjata fis-sħubijiet. Eżempju tajjeb ta’ rappreżentanza ġusta huwa pprovdut mill-programm LEADER, fejn massimu ta’ 50 % tal-membri fis-sħubija jistgħu jiġu mill-amministrazzjoni pubblika. Il-KESE jirrakkomanda involviment ferm akbar tal-gruppi fil-mira (residenti urbani). Huwa importanti li r-residenti nfushom ikollhom vuċi akbar fir-rigward tal-ġejjieni tal-bliet. Ħafna mit-temi identifikati ma jistgħux jiġu indirizzati mingħajr l-impenn tal-NGOs, tal-imsieħba soċjali u tan-negozji. L-eżempji ta’ suċċess kollha fl-Ewropa wrew li kienu dovuti l-aktar għall-involviment tal-forzi non-governattivi u għal kooperazzjoni pubblika-privata effettiva.

2.3.

Filwaqt li t-temi ta’ prijorità kollha fl-Aġenda Urbana huma rilevanti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, huma jmorru lil hinn mir-rwoli tradizzjonali assoċjati mas-soċjetà ċivili. L-NGOs, l-impriżi soċjali u l-kooperattivi qegħdin jiżviluppaw dejjem aktar il-kapaċità tagħhom jew jistabbilixxu mudelli organizzazzjonali jew ekonomiċi ġodda sabiex jipprovdu servizzi ta’ interess pubbliku. Jeħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jaraw lilhom infushom mill-perspettiva tal-gruppi u tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu f’żoni urbani. Il-KESE jissuġġerixxi li l-involviment ta’ netwerks reġjonali jew nazzjonali jew organizzazzjonijiet lokali b’ħafna esperjenza fuq kwistjoni partikolari jkun utli daqskemm li jkun hemm netwerks Ewropej.

2.4.

Il-KESE m’għandux informazzjoni dwar il-modi li bihom jiġu identifikati u/jew maħtura l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti. Il-KESE joffri l-kapaċitajiet u l-għarfien tiegħu fir-rigward tas-soċjetà ċivili organizzata għall-għażla tar-rappreżentanti ta’ NGOs u msieħba soċjali għal sħubijiet tematiċi.

3.   Rakkomandazzjonijiet għall-ħidma tas-sħubijiet tal-Aġenda Urbana u l-proċess tal-parteċipazzjoni

3.1.

Huwa d-dritt ta’ kull ċittadin tal-UE li jkun jaf, jifhem u jinfluwenza wkoll il-politiki tal-UE. Il-KESE jirrimarka li sħubija m’għandhiex issir bħal ħanut magħluq. Il-mod kif is-sħubijiet jikkomunikaw mad-dinja ta’ barra huwa importanti ħafna. Amministrazzjoni pubblika miftuħa li tikkomunika mal-pubbliku ġenerali u mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi taċ-ċittadini għandha tkun element ewlieni tal-iżvilupp urban. Billi mhuwiex possibbli li l-miri strateġiċi jintlaħqu mingħajr l-appoġġ taċ-ċittadini lokali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, huwa importanti li jiġu żgurati t-trasparenza u l-involviment effettiv tal-partijiet interessati fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana. L-involviment tal-persuni li jixtiequ jkunu involuti huwa l-aħjar mod biex jinkiseb l-appoġġ tagħhom għar-riżultati. Il-KESE jissuġġerixxi li tinfetaħ stedina għall-organizzazzjonijiet li jistgħu juru x-xewqa li jaqsmu l-esperjenzi u l-ideat tagħhom dwar temi tal-Aġenda Urbana u jistgħu jissieħbu fi wħud mil-laqgħat ta’ sħubija.

3.2.

Is-sħubijiet għandhom jużaw għadd ta’ għodod ta’ komunikazzjoni u parteċipazzjoni għall-kondiviżjoni, il-komunikazzjoni u l-konsulenza. L-involviment u l-konsulenza taċ-ċittadini ma jistgħux jintlaħqu b’mod effettiv sempliċiment b’għodda waħda. Hija meħtieġa taħlita ta’ metodi li tkun kapaċi tindirizza tipi differenti ta’ partijiet interessati, tipprovdi tipi differenti ta’ kontribut u tippermetti livelli differenti ta’ involviment. Is-sħubijiet għandhom jużaw tekniki aġġornati bħal mezzi soċjali, kif ukoll stħarriġ, sessjonijiet ta’ ħidma, gruppi speċifiċi, eċċ. sabiex ikunu jistgħu jirċievu rispons dwar il-ħidma tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi organizzat involviment pubbliku (usa’) addizzjonali fuq kwistjonijiet speċifiċi fejn ikun hemm ħtieġa ċara għal diskussjoni pubblika usa’, kif ukoll rispons liċ-ċittadini.

3.3.

Is-sħubijiet għandhom jorganizzaw żjarat fuq il-post u laqgħat ma’ diversi partijiet interessati lil hinn miċ-ċirku limitat tas-sħubija. L-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ċivili konkreti u t-tagħlim dwar il-limitazzjonijiet tagħhom u l-kooperazzjoni tagħhom mal-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti d-diskussjoni tas-sħubija. Jekk l-Aġenda Urbana ma tkunx ibbażata fuq il-prattiki eżistenti, il-politiki li jirriżultaw ikunu qegħdin jirriskjaw li jinjoraw l-għarfien disponibbli.

3.4.

Il-pjanijiet ta’ azzjoni għandhom ikunu s-suġġett ta’ konsultazzjoni onlajn miftuħa. Dan jiggarantixxi li l-partijiet interessati rilevanti kollha jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-kontenut tagħhom u li jkunu koperti l-interessi kollha.

4.   Pilastri ta’ prijorità għas-sħubijiet tematiċi

4.1.   Belt inklużiva

4.1.1.

L-impjiegi u l-ħiliet fl-ekonomija lokali – l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jissodisfaw għadd ta’ rwoli – eż. bħala impjegaturi, edukaturi jew dawk li jipprovdu t-taħriġ – li huma rilevanti għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu kkonsultati organizzazzjonijiet bħal Eurochambres li jirrappreżentaw lill-SMEs, liċ-ċentri tal-impjiegi u lill-istabbilimenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-Aġenda Urbana għandha tindirizza l-kwistjoni ta’ kif il-bliet ser iwettqu stħarriġ dwar il-ħtiġijiet tal-għarfien espert fil-qasam tagħhom; l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu infurmati dwar dawn il-ħtiġijiet u għandu jkun hemm kooperazzjoni għall-promozzjoni tal-edukazzjoni, tat-tagħlim tul il-ħajja u tat-taħriġ, li għandhom jipprovdu l-ħiliet li huma neqsin fis-suq tax-xogħol.

4.1.2.

Il-Faqar Urban – L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qegħdin jimplimentaw il-maġġoranza tal-programmi mmirati lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar urban fil-bliet. Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu involuti organizzazzjonijiet bħan-Netwerk Ewropew Kontra l-Faqar. Aħna konxji wkoll dwar l-importanza fir-rigward ta’ din it-tema ta’: a) is-subborgi u l-emarġinazzjoni, b) il-ghettos, c) iż-żoni neqsin mill-affarijiet essenzjali, d) it-tfal f’kura istituzzjonali u t-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal servizzi bbażati fil-komunità u l-familji, u e) it-tixjiħ u l-vulnerabbiltà fost l-anzjani.

4.1.3.

L-akkomodazzjoni – Sabiex jiggarantixxu akkomodazzjoni sostenibbli u ta’ kwalità tajba kif definita fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Akkomodazzjoni Sostenibbli, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti fir-rappreżentanza u l-ħidma maż-żewġ naħat – is-sidien u l-utenti. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu indirizzati organizzazzjonijiet bħall-Unjoni Internazzjonali tal-Kerrejja, l-assoċjazzjonijiet tas-sidien tad-djar u tal-appartamenti, is-soċjetajiet kooperattivi tal-bini, il-periti u l-pjanifikaturi tal-bliet. Din it-tema tqajjem kwistjonijiet importanti ta’: a) l-ippjanar urban, b) l-akkomodazzjoni soċjali, u c) iċ-ċaqliq taċ-ċittadini lejn żoni periurbani sabiex isibu akkomodazzjoni ta’ kwalità aħjar.

4.1.4.

L-inklużjoni tal-immigranti u tar-refuġjati – Jeħtieġ li jiġu indirizzati mhux biss il-kwistjonijiet immedjati (li jiġu pprovduti bil-ħtiġijiet bażiċi), iżda wkoll – ladarba l-immigranti jissetiljaw – l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-UE: li jingħataw għajnuna fl-edukazzjoni, sabiex isibu l-impjiegi, eċċ., jaqsmu l-valuri u t-tradizzjonijiet tal-UE magħhom u jinkorporaw dawk il-valuri u t-tradizzjonijiet fil-ħajja tagħhom, filwaqt li jirrispettaw il-kultura tal-oriġini tagħhom. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħall-knejjes, l-organizzazzjonijiet soċjali, l-organizzazzjonijiet tat-taħriġ u tal-edukazzjoni, il-gruppi tat-tfal u tal-ġenituri, eċċ. għandhom rwol kruċjali flimkien mal-istat. Il-KESE jirrakkomanda li ssir konsultazzjoni ma’ Solidar jew Lumos, fost l-oħrajn. Kwistjonijiet bħall-minorenni mhux akkumpanjati – grupp partikolarment vulnerabbli li jeħtieġ attenzjoni speċjali – għandhom jiġu indirizzati.

4.1.5.

L-użu sostenibbli tal-art u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura – L-objettiv tal-Aġenda Urbana huwa strettament marbut mat-tibdil tal-attitudnijiet u l-istili ta’ ħajja tal-persuni. Għandu jiġi żgurat li l-bidliet fil-bliet jirrispettaw l-ambjent. Dan huwa qasam fejn l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħar-rappreżentanti tas-sidien tal-art, l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, u organizzazzjonijiet tal-komunità li jappoġġjaw movimenti għat-titjib tal-lokal huwa kruċjali. Il-KESE jirrakkomanda l-involviment ta’, pereżempju, Friends of the Earth Europe jew ELARD. Il-KESE jqis dawn li ġejjin bħala importanti: a) l-ippjanar spazjali (vertikali) u b) il-problemi taż-żoni suburbani li jfornu l-prodotti (ikel, ilma nadif), iżda wkoll servizzi essenzjali tal-ekosistema, li jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

4.2.   Ekonomija urbana

4.2.1.

Ekonomija ċirkolari – Għal ekonomija ċirkolari effettiva, huwa importanti li jinbidel il-mod kif in-nies iħarsu lejn l-iskart u li dan jiġi ppreżentat bħala riżorsa potenzjali. L-edukazzjoni u l-attivitajiet ta’ informazzjoni tal-organizzazzjonijiet ambjentali u tal-istituzzjonijiet edukattivi huma importanti. Iċ-ċentri għall-innovazzjoni u r-riċerka, flimkien ma’ kumpaniji speċjalizzati u l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, li jiffokaw fuq dan il-qasam, ser ikunu atturi ewlenin fl-esplorazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ approċċi ġodda fil-bliet. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu mistiedna organizzazzjonijiet bħal, pereżempju, REVES, sabiex isiru d-diskussjonijiet.

4.3.   Belt ekoloġika

4.3.1.

L-adattament għall-klima – Il-kumpaniji tat-teknoloġija avvanzata, l-istituti tar-riċerka u l-universitajiet huma kruċjali. Jeħtieġ ukoll li l-persuni ordinarji jiġu edukati u informati sabiex jiġi ffaċilitat l-involviment tagħhom fid-dispożizzjonijiet rilevanti u l-aċċettazzjoni tagħhom. Il-KESE jissuġġerixxi li ssir konsulenza, pereżempju, ma’ Green 10.

4.3.2.

Tranżizzjoni tal-enerġija – Il-bidliet strutturali fis-sistemi tal-enerġija, bħall-bidla sostanzjali lejn l-enerġija rinnovabbli u effiċjenza akbar fl-enerġija, jistgħu jintlaħqu biss bl-involviment sħiħ tal-imsieħba minn negozji rilevanti u l-appoġġ taċ-ċittadini. Greenpeace, pereżempju, hija attiva f’dan il-qasam.

4.3.3.

Mobilità urbana – Il-mobilità urbana sostenibbli hija sfera fejn ftit li xejn jista’ jsir xogħol sakemm in-nies infushom ma jkunux lesti li jibdlu d-drawwiet tal-mobilità tagħhom. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li jiġu involuti organizzazzjonijiet bħal CEEP (iċ-Ċentru Ewropew ta’ Intrapriżi b’Parteċipazzjoni Pubblika u ta’ Intrapriżi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali), BusinessEurope, ETF (il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport), Polis (netwerk ta’ bliet u reġjuni Ewropej li jiżviluppaw teknoloġiji u politiki innovattivi għat-trasport lokali), il-Federazzjoni Ewropea taċ-Ċiklisti u IPR Prague (l-Istitut tal-Ippjanar u l-Iżvilupp ta’ Praga). Aħna nifhmu wkoll li din it-tema tinkludi l-importanza tal-approċċi integrati bħall-Pjanijiet tal-Mobilità Urbana Sostenibbli (SUMPs) u, b’hekk, aħna naraw il-mobilità urbana bħala xprunatur għall-iżvilupp ekonomiku, għat-titjib tal-kundizzjonijiet ambjentali u għat-tranżizzjoni tal-enerġija fil-bliet. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ strumenti ta’ finanzjament speċifiċi tal-UE għall-mobilità urbana, li hija qasam li jeħtieġ investiment ta’ kapital intensiv.

4.3.4.

Il-kwalità tal-arja – Il-kooperazzjoni tan-negozji, tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa, tal-NGOs ambjentali, tal-universitajiet u tal-istituzzjonijiet tar-riċerka u oħrajn hija essenzjali. Is-sħubijiet għandhom jinvolvu organizzazzjonijiet bħal CAN (Climate Action Network Europe).

4.4.   Bliet intelliġenti

4.4.1.

Tranżizzjoni diġitali – Id-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà tirrappreżenta bidla paradigmatika. L-objettiv huwa li jiġu pprovduti servizzi aħjar liċ-ċittadini u jinħolqu opportunitajiet kummerċjali. Każ partikolari fil-bliet intelliġenti huwa l-ispiral triplu u l-ispiral kwadruplu, li jlaqqgħu lill-partijiet interessati fl-immaniġġjar tal-bliet, fl-edukazzjoni ogħla, fin-negozju u fis-soċjetà ċivili fi proġetti konġunti. Dan il-mudell għandu jinxtered fl-Ewropa. Taħt din l-intestatura, aħna nikkunsidraw il-kwistjonijiet ta’: a) ippjanar urban prevedibbli fi kwalunkwe muniċipalità, u b) l-użu tan-netwerks soċjali u tal-Internet għall-komunikazzjoni bejn il-muniċipalitajiet u ċ-ċittadini. Is-sħubijiet għandhom jinvolvu wkoll organizzazzjonijiet bħal Transparency International.

4.5.   Akkwist pubbliku innovattiv u responsabbli

4.5.1.

Il-potenzjal għall-bliet li jimplimentaw approċċi innovattivi huwa sinifikanti: dawn jistgħu jaġixxu bħala pijunieri, u mhux biss fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Madankollu, huwa importanti li jkun hemm kooperazzjoni maċ-ċentri ta’ appoġġ u innovazzjoni fin-negozji u ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE bħal CEE Bankwatch Network. Il-KESE jenfasizza l-importanza hawnhekk ta’: a) l-użu tal-akkwist pubbliku sabiex jikkontribwixxi għall-ekonomija soċjali lokali, u b) metodi speċifiċi sabiex il-bliet jiġu mmotivati jagħżlu l-akkwist pubbliku innovattiv minflok l-irħas soluzzjonijiet.

4.6.

Il-bliet huma parti minn sistemi kumplessi, fejn qasam periurban usa’ jipprovdi appoġġ u riżorsi essenzjali li jippermettu lill-bliet jiffunzjonaw u jirnexxu. Jeħtieġ li jiġu involuti msieħba minn żoni madwar il-bliet, inklużi Gruppi ta’ Azzjoni Lokali, sabiex tiġi pprovduta rabta siewja bejn iż-żoni urbani u dawk rurali, b’mod partikolari fir-rigward tas-sħubijiet urbani/rurali mixtieqa. Meta jiġu biex jippjanaw l-iżvilupp tagħhom, il-bliet għandhom jikkunsidraw l-istrateġiji eżistenti, bħall-istrateġiji makroreġjonali u l-istrateġiji ta’ żvilupp mikroreġjonali rilevanti.

Brussell, is-17 ta’ Frar 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  http://ec.europa.eu/regional_policy/index.cfm/en/policy/themes/urban-development/agenda

(2)  Ara l-ħidma rilevanti tal-KESE, tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni:

Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, fuq il-bażi ta’ prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013 (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 1).

Il-prinċipju tas-sħubija fl-implimentazzjoni tal-Fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni – elementi għal Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija (ĠU C 44, 15.2.2013, p. 23).

L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità bħala strument tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 għall-iżvilupp lokali, rurali, urban u periurban (ĠU C 230, 14.7.2015, p. 1).

It-tisħiħ tal-proċessi parteċipattivi u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali, l-NGOs u l-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 (ĠU C 299, 4.10.2012, p. 1).

Il-valutazzjoni tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati mill-Kummissjoni Ewropea (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 57).

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+REPORT+A8-2015-0218+0+DOC+PDF+V0//MT

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52013IR6902

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:c10237

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex:32013R1303 L-Artikolu 5(3) dwar kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar is-sħubija.

(3)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:c10237.

(4)  L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità bħala strument tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 għall-iżvilupp lokali, rurali, urban u periurban (ĠU C 230, 14.7.2015, p. 1).

(5)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.press-releases.37475.


14.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/9


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ġlieda kontra l-faqar”

(Opinjoni esploratorja)

(2016/C 133/03)

Relatur:

is-Sur Seamus BOLAND

Korelatur:

is-Sinjura MARJOLIJN BULK

F’ittra tas-16 ta’ Diċembru 2015, il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u l-Impjieg, f’isem il-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill tal-UE u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar

Il-ġlieda kontra l-faqar

(Opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Jannar 2016.

Matul il-514-il sessjoni plenarja tiegħu, li saret fis-17 u t-18 ta’ Frar 2016 (seduta tat-18 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’197 vot favur, 4 voti kontra, u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-KESE

1.1.

jappoġġja lill-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill fl-indirizzar tal-faqar u l-esklużjoni soċjali permezz ta’ approċċ integrat u f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati pubbliċi u privati rilevanti. Madankollu, il-KESE jaħseb li l-Istati Membri għandhom jiġu appoġġjati minn qafas komuni Ewropew li jrawwem approċċi bħal dawn u jiffaċilita l-iskambju u l-qsim tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu, li mhux biss huma fihom infushom sors ewlieni ta’ tħassib, għax ifissru nuqqas ta’ ġustizzja soċjali, iżda wkoll jagħmlu ħsara lill-prestazzjoni ekonomika u t-tkabbir, kif ukoll lill-koeżjoni soċjali;

1.2.

jappoġġja l-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill fl-isforzi tagħha biex tippromovi r-reviżjonijiet tal-aħjar prattika bejn il-pari f’diversi livelli għall-ġlieda kontra l-faqar, iżda jenfasizza li l-muniċipalitajiet u atturi oħra ta’ dawn l-aħjar prattiki għandhom jiġu appoġġjati minn strateġiji nazzjonali sodi;

1.3.

iħeġġeġ lill-Kunsill tal-UE biex itenni l-impenn li sar fl-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri li jitnaqqas l-għadd ta’ persuni li qegħdin jgħixu taħt il-linja tal-faqar b’mill-inqas 20 miljun sal-2020;

1.4.

jirrakkomanda li, meta jagħmel dan, il-Kunsill jikkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, kif stabbiliti fl-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030, u jiżgura li din l-aġenda tkun marbuta mal-Istrateġija Ewropa 2020;

1.5.

jinsab konvint li l-istrutturi ta’ governanza fil-livell tal-Kunsill għandhom ikunu aktar ibbilanċjati u jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kunsilli ECOFIN u EPSCO;

1.6.

iqis li, matul is-Semestru Ewropew, il-miri soċjali u tal-impjieg għandhom jitqiegħdu fuq l-istess livell tal-kwistjonijiet makroekonomiċi;

1.7.

jirrakkomanda li s-Semestru Ewropew jikkunsidra b’mod sħiħ il-mira tal-Istrateġia Ewropa 2020 dwar it-tnaqqis tal-faqar u li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata sistematikament matul il-proċess, tibda mill-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT), tkompli bil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNRs) u tispiċċa bir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (RSPs), permezz ta’ (1) miżuri speċifiċi biex jittaffa l-faqar, (2) indikaturi komparabbli għall-istat ta’ faqar u l-effettività tal-politika, u (3) valutazzjoni mandatorja tal-impatt soċjali tal-aġendi riformattivi kollha proposti mill-PNRs u l-RSPs;

1.8.

jitlob, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-faqar, għal ċaqliq lil hinn minn politiki ekonomiċi tal-UE li għadhom orjentati lejn l-awsterità;

1.9.

iħeġġeġ lill-Istati Membri jniedu l-istrateġiji nazzjonali integrati tagħhom stess għall-ġlieda kontra l-faqar, u, meta jagħmlu dan, ifittxu għajnuna mir-“Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva ta’ nies esklużi mis-suq tax-xogħol” (1), li, minħabba l-interazzjoni bejn it-tliet fergħat (1. appoġġ adegwat għad-dħul, 2. swieq tax-xogħol inklużivi u 3. aċċess għal servizzi ta’ kwalità), hija ġeneralment meqjusa bħala l-aktar strateġija komprensiva u effiċjenti biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

1.10.

jenfasizza l-livell għoli ta’ faqar fost it-tfal madwar l-Istati Membri u l-bżonn immedjat li tiġi implimentata r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “L-investiment fit-tfal: inkissru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ” (2), li hija parti mill-Pakkett ta’ Investiment Soċjali tal-2013 u li fiha struttura simili għar-Rakkomandazzjoni dwar l-Inklużjoni Attiva, bi tliet fergħat simili: 1. aċċess għal riżorsi adegwati; 2. aċċess għal servizzi ta’ kwalità għall-but ta’ kulħadd u 3. id-dritt tat-tfal li jipparteċipaw;

1.11.

jesprimi l-akbar tħassib dwar il-livell dejjem jikber tar-riskju ta’ faqar li jeħtieġ li jsir rieżami kritiku tal-miżuri riformattivi reċenti li ttieħdu biex tingħata spinta lill-impjiegi permezz tal-liberalizzazzjoni tar-relazzjonijiet industrijali.

1.12.

jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Kummissjoni tagħti bidu għal proċess separat għat-titjib tal-istatistika tal-UE u nazzjonali dwar il-faqar u n-nuqqas ta’ ugwaljanza, li għandu jwassal għal sett aktar elaborat ta’ indikaturi komuni li jipprovdu data rilevanti għall-azzjonijiet nazzjonali u tal-UE, fosthom miżuri marbutin mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs) u s-Semestru Ewropew.

1.13.

itenni l-proposta tiegħu li jiġi introdott dħul minimu adegwat fil-livell tal-UE.

1.14.

jitlob lill-Kummissjoni tippromovi miżuri għall-prevenzjoni ta’ u l-ġlieda kontra dejn eċċessiv fil-livell tal-UE u speċjalment kontra kreditu estiż irresponsabbli u użura;

1.15.

jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi, mingħajr dewmien, linji gwida ġodda biex jiġu kkonsultati l-partijiet interessati fil-qasam soċjali, li jippermettulhom li jipprovdu kontribut f’mod strutturat bħala parti mis-Semestru Ewropew, fl-istadji kollha tal-proċess, jiġifieri matul it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni;

1.16.

iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aħjar mill-fondi tal-UE disponibbli biex jappoġġjaw l-inklużjoni soċjali u jitlob lill-Kummissjoni biex b’mod urġenti jiġu kkonsultati l-Istati Membri u l-partijiet interessati sabiex hi ssir taf jekk id-deċiżjoni li jiġu allokati 20 % tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) biex iħeġġu l-inklużjoni soċjali u jiġġieldu l-faqar hix tiġi implimentata b’mod effettiv;

1.17.

iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tinkludi prinċipji ta’ standards u sistemi soċjali aktar effettivi u affidabbli fil-“Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” imħabbar u biex tagħmel il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali waħda mill-elementi ewlenin ta’ dak il-pilastru.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill tenfasizza l-ħtieġa li titrażżan ix-xejra ta’ żieda fil-faqar fl-UE. Sabiex jinkiseb dan, trid tinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, speċjalment fir-rigward ta’ approċċi integrati u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati (pubbliċi u privati).

2.2.

Għalkemm il-KESE, fl-opinjonijiet tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-faqar, ħa approoċċ iktar minn fuq għal isfel, billi huwa konvint li dawk responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet (l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri) huma responsabbli milli jindirizzaw il-faqar, jilqa’ l-intenzjoni tal-Presidenza li torganizza reviżjonijiet bejn il-pari biex jiġu studjati approċċi minn isfel għal fuq, jiġifieri: eżempji ta’ approċċi ta’ sħubijiet użati mill-Istati Membri biex jiġġieldu l-faqar, li jinvolvu partijiet interessati inklużi s-settur pubbliku, l-imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet fil-livell lokali u mhux għal skop ta’ qligħ u l-ekonomija soċjali.

2.3.

Għaldaqstant, il-KESE jaqbel bis-sħiħ li l-ġlieda kontra l-faqar teħtieġ approċċ multilaterali u li l-partijiet interessati kollha għandhom jikkontribwixxu biex jinkiseb l-akbar tnaqqis tal-faqar. L-aħjar prattiki msemmija f’din l-Opinjoni kienu pprovduti minn bosta partijiet interessati Ewropej (3).

3.   Kummenti ġenerali – il-ħtieġa biex jiġi miġġieled il-faqar

3.1.

Għalkemm mill-2008 ‘l hawn, kriżi ekonomika u finanzjarja serja wara l-oħra kkontribwew għal żieda fl-instabbilità u l-faqar fl-Unjoni Ewropea, arranġamenti ta’ protezzjoni soċjali f’bosta Stati Membri għenu biex itaffu l-effetti tal-kriżi. Madankollu, bil-kriżi finanzjarja tal-2011, din ix-xejra nqalbet u miżuri ta’ awsterità fiskali bdew ifixklu n-nefqa soċjali, li aggravat is-sitwazzjoni. Anki l-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi llum il-ġurnata li l-kisba tal-mira għat-tnaqqis tal-faqar hija impossibbli. B’mod partikolari fid-dawl ta’ dan, il-KESE jqis li hemm bżonn urġenti li nimxu lil hinn minn politika ekonomika tal-UE li tibqa’ biss orjentata lejn.

3.2.

Mingħajr protezzjoni soċjali kważi nofs l-Ewropej jkun qed jgħix fil-faqar. Madankollu, it-tliet funzjonijiet ewlenin tal-politika tas-servizzi soċjali – l-istabbilizzazzjoni awtomatika, il-protezzjoni soċjali u l-investiment soċjali – iddgħajfu minħabba r-restrizzjonijiet fiskali riċenti biex tiġi indirizzata l-kriżi. Din is-sitwazzjoni trid tinbidel.

3.3.

Il-KESE jirrikonoxxi wkoll ir-rabta qawwija bejn il-faqar u l-problemi tas-saħħa, li juri l-bżonn li l-faqar jiġi indirizzat bħala prijorità. L-evidenza ilha turi b’mod konsistenti li żoni li għandhom proporzjon akbar ta’ persuni jgħixu fil-faqar għandhom ukoll livell ta’ saħħa agħar meta mqabblin ma’ żoni aktar għonja (4). F’partijiet mir-Renju Unit, pereżempju, instab li l-irġiel minn żoni anqas għonja jmutu madwar ħdax-il sena qabel, u n-nisa seba’ snin qabel il-kontropartijiet aktar għonja tagħhom (5).

3.4.

Il-KESE huwa konvint li l-Istrateġija Ewropa 2020 tkun ħafna aħjar jekk tkun marbuta mas-Semestru Ewropew. Il-mira tat-tnaqqis tal-faqar għandha tibqa’ l-element ewlieni ta’ din l-istrateġija u l-livelli ta’ ambizzjoni li juru l-Istati Membri għandhom ikunu ħafna ogħla. Is-somma ta’ 28 impenn individwali biex jonqos il-faqar ma taqbilx mal-ambizzjoni kondiviża tal-UE li tal-anqas 20 miljun persuna toħroġ mill-faqar fl-Unjoni Ewropea sal-2020.

3.5.

It-tnaqqis tal-faqar primarjament huwa kompetenza tal-Istati Membri. Dawn jistgħu jtejbu l-qagħda tagħhom billi jaqsmu l-aħjar prattiki ma’ xulxin, inklużi approċċi integrati u kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati (pubbliċi u privati) biex jiġġieldu l-faqar. Il-Kunsill għandu jitlob lill-Istati Membri jfasslu l-istrateġiji integrati meħtieġa biex jonqos il-faqar.

3.6.

Il-faqar fost dawk li jaħdmu b’mod partikolari qed jiżdied. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt fuq iż-żieda fil-faqar fost dawk li jaħdmu tal-miżuri ta’ riforma riċenti meħuda biex jagħtu spinta lill-impjiegi billi jiġu liberalizzati r-relazzjonijiet tax-xogħol.

3.7.

Il-Valutazzjonijiet tal-Impatt Soċjali għandhom jaqdu rwol importanti matul il-proċess leġislattiv sabiex ikun hemm konsiderazzjoni aħjar tan-natura multidimensjonali tal-faqar u l-esklużjoni soċjali (li tmur lil hinn mill-faqar materjali u tinkludi forom oħra ta’ żvantaġġi ekonomiċi u soċjali bħalma huma n-nuqqas ta’ aċċess ugwali għall-edukazzjoni, l-impjieg, id-djar, il-kura tas-saħħa u l-parteċipazzjoni soċjali).

3.8.

Il-faqar huwa ta’ tħassib globali wkoll. L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (6) addottati fl-2015 (prinċipalment l-Għan 1: Jinqered il-faqar ta’ kull tip kullimkien) għandhom ikunu kkunsidrati mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri u integrati fl-istrateġiji tagħhom. L-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 (7) għandha tkun marbuta mal-Istrateġija Ewropa 2020.

3.9.

Il-KESE huwa konxju tat-tnedija imminenti tal-“Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali” tal-Kummissjoni u, skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “konverġenza ‘l fuq” tal-Istati Membri fil-qasam soċjali se jkollu rwol importanti f’dan il-“pilastru”. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-“Prinċipji għal sistemi tal-benefiċċji soċjali effettivi u affidabbli” (8) f’dan il-pilastru (aktar speċifikament, standards soċjali b’saħħithom għal appoġġ adegwat għad-dħul matul iċ-ċiklu tal-ħajja, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess mhux diskriminatorju għal servizzi bi prezz raġonevoli u ta’ kwalità għolja għal kulħadd), u b’hekk tagħmel il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali wieħed mill-komponenti ewlenin tal-pilastru.

4.   Kummenti speċifiċi – għodda li għandhom ikunu kkunsidrati

4.1.

Il-Kummissjoni Ewropea kienet attiva ħafna fit-tressiq ta’ rakkomandazzjonijiet komprensivi, li tqiesu li kienu utli ħafna għall-ġlieda kontra l-faqar. Dan b’mod partikolari fir-rigward tar-“Rakkomandazzjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol”, u r-Rakkomandazzjoni “Investing in children: breaking the cycle of disadvantage” (Ninvestu fit-tfal: inkissru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ” mhix disponibbli bil-Malti). Jekk il-Kunsill jixtieq jagħti prijorità lill-“approċċ integrat” biex jindirizza l-faqar, dan għandu jibda billi jfakkar lill-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jsegwu dawn ir-rakkomandazzjonijiet b’mod attiv.

4.2.

Il-Pakkett ta’ Investiment Soċjali (9) tal-2013 hija inizjattiva oħra tajba tal-Kummissjoni. Il-KESE diġà ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem għal aġenda tal-investiment soċjali ambizzjuża u wiesgħa li u tippromoviha fil-fażijiet kollha tas-Semestru Ewropew (10). L-investiment soċjali jirreferi, fost affarijiet oħra, għall-politiki li “jippreparaw” l-individwi u l-familji biex jirrispondu għar-riskji soċjali l-ġodda li jiġu mis-soċjetà tal-għarfien kompetittiva, billi jinvestu fil-kapital uman minn kmieni fit-tfulija ‘l quddiem, iktar milli “jsewwu” l-ħsara wara mumenti ta’ kriżijiet ekonomiċi jew politiċi (11). Madankollu, minkejja l-merti tiegħu, l-investiment soċjali għadu mhux approċċ segwit mill-Istati Membri kollha. Jekk il-Kunsill jixtieq jiġbor l-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-faqar, għandu ċertament iħares lejn il-kisbiet li saru s’issa fil-qasam tal-investiment soċjali u jappoġġja din it-tip ta’ inizjattiva (12).

4.3.

L-iskemi ta’ introjtu minimu f’xi Stati Membri mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw il-faqar (13). Għalkemm saru xi riformi tal-iskemi ta’ introjtu minimu f’xi pajjiżi mill-2010 ‘l hawn (inkluż l-Awstrija, il-Ġermanja, Spanja u l-Portugal) jew ġew imħabbra riformi jew qed jiġu ppruvati (inkluż il-Greċja u l-Italja), dawn mhux biżżejjed. Il-KESE appella għal miżuri Ewropej biex jappoġġjaw introjtu minimu adegwat fl-Ewropa (14) kif ukoll għall-investiment f’sistemi ta’ protezzjoni soċjali universali, komprensivi u adegwati, li jistgħu jipprevjenu r-riskji tal-faqar matul iċ-ċiklu tal-ħajja (15). Il-Kunsill għandu jappoġġja dawn il-miżuri kollha.

4.4.

Barra minn hekk, l-għoti irresponsabbli u mhux ikkontrollat ta’ kreditu lill-konsumatur u n-nuqqas ta’ attenzjoni fil-valutazzjoni tal-kapaċità finanzjarja tal-familji kienu l-kawża taż-żieda qawwija fid-dejn eċċessiv f’dan l-aħħar żmien ta’ kriżi u ta’ politiki ta’ awsterità, b’tali mod li kważi 70 % tal-persuni bid-dejn huma diġà taħt il-livell minimu għas-sopravivenza fl-Ewropa, għalkemm xi wħud minnhom għandhom impjieg – iżda jirċievu salarji li ma tkoprix id-djun tagħhom. Din is-sitwazzjoni tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżuri rigorużi u restrizzjonijiet għall-għoti ta’ kreditu lill-konsumaturi, inkluż intermedjarji u entitajiet mhux finanzjarji li ma jkunux konformi mar-regolamenti u l-inċentivi u jagħtu self b’rati ta’ użura.

5.   Kummenti speċifiċi – miżuri dwar il-governanza

5.1.

Minħabba l-kriżi tal-euro, saru bidliet fil-governanza ekonomika Ewropea. Ingħatat attenzjoni primarja għall-istabbiltà makroekonomika u r-“riformi li jsaħħu t-tkabbir”. Sa issa, ma kienx hemm biżżejjed attenzjoni għall-governanza soċjali. Madankollu, il-politiki ekonomiċi għandhom iqisu l-impatt li se jkollhom fuq l-impjiegi ta’ kwalità u l-koeżjoni soċjali. Barra minn hekk, hekk kif l-UEM tista’ tibbenefika minn dimensjoni soċjali, l-istrutturi ta’ governanza fil-livell tal-Kunsill għandhom ikunu aktar ibbilanċjati, u l-kooperazzjoni bejn il-Kunsilli ECOFIN u EPSCO għandha tissaħħaħ.

5.2.

Il-Kumitati EMCO u SPC għandu jibqa’ jkollhom rwol attiv fil-valutazzjoni tar-riformi nazzjonali bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew, iżda għandhom progressivament jibdew jikkonsultaw il-partijiet interessati Ewropej rilevanti fil-livell tal-UE.

5.3.

L-indikatur tal-faqar aggregat, użat biex jiddefinixxi l-faqar fl-Istrateġija Ewropa 2020, huwa bbażat fuq tliet indikaturi individwali: 1. persuni li huma f’riskju ta’ faqar; 2. persuni li huma mċaħħda materjalment b’mod gravi u 3. persuni li jgħixu fi djar b’intensità baxxa ħafna ta’ xogħol. Taħt din l-istrateġija, l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu l-miri nazzjonali proprji sabiex jikkontribwixxu għall-mira globali fuq il-bażi ta’ dawn it-tliet indikaturi u f’konformità mal-prijoritajiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li l-fatt li l-Istati Membri ngħataw il-libertà li jagħżlu bejn it-tliet indikaturi li kkontribwixxa għal varjazzjonijiet fl-approċċi nazzjonali, jista’ jfisser li hemm ħtieġa għal rakkomandazzjonijiet ġodda.

5.4.

Il-valutazzjoni tal-EAPN tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) tal-2015, turi li 88 % minnhom ma kellhomx il-faqar bħala prijorità ewlenija u li l-ebda waħda mir-Rakkomandazzjoni Speċifika għall-Pajjiż (CSRs) tal-2015 ma ssemmi t-tnaqqis tal-faqar (16). L-EAPN għalhekk ipproponiet li s-Semestru Ewropew jiffoka aktar fuq kwistjonijiet soċjali, mill-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, u sal-CSRs, dwar it-tnaqqis tal-faqar għall-pajjiżi kollha (17). Il-KESE jaqbel ma’ din il-proposta u jirrakkomanda li l-partijiet interessati nazzjonali jiġu inklużi fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni u l-komunikazzjoni tal-PNR. B’mod iktar ġenerali, sabiex ikun possibbli li l-Istati Membri jitgħallmu minn xulxin, ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati rilevanti fil-livell Ewropew u nazzjonali għandhom jiġu ppubblikati bħala parti mis-Semestru Ewropew.

5.5.

Il-Kummissjoni tagħti bidu għal proċess separat għat-titjib tal-istatistika tal-UE u nazzjonali dwar il-faqar u l-inugwaljanza, sabiex tirfina l-monitoraġġ ta’ din il-problema soċjali multidimensjonali. Dan l-eżerċizzju għandu jwassal għal sett aktar elaborat ta’ indikaturi komuni li jipprovdu data rilevanti għall-azzjonijiet nazzjonali u tal-UE, fosthom miżuri marbutin mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs) u s-Semestru Ewropew.

5.6.

Il-Valutazzjonijiet tal-Impatt Soċjali (VIS) huma strumentali fl-identifikazzjoni tar-riskji ta’ miżuri relatati mal-faqar f’għadd ta’ oqsma ta’ riforma rilevanti, bħalma huma l-konsolidazzjoni fiskali, il-ġestjoni tad-dejn pubbliku, it-tassazzjoni, is-suq tax-xogħol, ir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji, l-għoti tas-servizzi pubbliċi u l-investimenti pubbliċi. B’mod partikolari, għandha titwettaq VIS fil-ħin fl-ambitu tas-Semestru Ewropew, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali, mas-soċjetà ċivili u ma’ esperti rilevanti fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE.

5.7.

Is-Semestru Ewropew għandu jikkunsidra b’mod sħiħ il-mira tal-Istrateġija Ewropa 2020 dwar it-tnaqqis tal-faqar u din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata sistematikament matul il-proċess, permezz ta’ (1) miżuri speċifiċi biex jittaffa l-faqar, (2) indikaturi komparabbli għall-istat ta’ faqar u l-effettività tal-politika, u (3) valutazzjoni mandatorja tal-impatt soċjali tal-aġendi riformattivi kollha proposti mill-PNRs u l-RSPs.

5.8.

L-Istati Membri għandhom ifasslu u jimplimentaw strateġiji nazzjonali globali u integrati biex jiġġieldu l-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni. Dawn l-istrateġiji għandhom jinkludu dawn l-oqsma: appoġġ adegwat għad-dħul, swieq tax-xogħol inklużivi, impjiegi ta’ kwalità, aċċess ugwali għal servizzi ta’ kwalità għolja u affordabbli, użu aħjar tal-Fondi Strutturali tal-UE, integrazzjoni ekonomika u soċjali tal-immigranti, indirizzar tad-diskriminazzjoni u ħidma fi sħubija mal-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati mhux governattivi rilevanti.

5.9.

Jeħtieġ ukoll li jiġi indirizzat id-dejn żejjed permezz tal-adozzjoni ta’ politiki responsabbli dwar is-self (kontroll strett fuq l-intermedjarji u l-allokazzjoni ta’ karti ta’ kreditu, il-projbizzjoni ta’ reklamar aggressiv, il-projbizzjoni tal-użura, il-projbizzjoni ta’ sekwestri ta’ djar u oġġetti essenzjali oħra), it-titjib tal-medjazzjoni fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, l-għoti ta’ għajnuna għal persuni mdejna (li jingħataw ċans ieħor pemezz ta’ politika “New Start”), kif ukoll permezz tal-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-prevenzjoni ta’ dejn eċċessiv.

5.10.

L-Istati Membri għandhom jużaw il-Fondi Strutturali tal-UE biex jappoġġjaw l-inklużjoni soċjali għal kulħadd. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha b’mod urġenti tivverifika mal-Istati Membri u l-partijiet interessati dwar jekk id-Deċiżjoni tal-Kunsill li jiġu allokati 20 % tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar (18) hix qed tiġi implimentata.

6.   Kummenti speċifiċi – miżuri dwar il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati

6.1.

Waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-Pjattaforma Soċjali Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (EPAP), inħolqot bħala pjattaforma wiesgħa, li tkopru firxa wiesgħa ta’ politiki biex tgħin fil-kisba tal-mira għat-tnaqqis tal-faqar tal-Ewropa (19). Kellha tipprovdi l-bażi għal impenn konġunt bejn il-gvernijiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati prinċipali biex jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, iżda s’issa għadha biss pjattaforma għad-diskussjoni u ma pproduċietx riżultati tanġibbli b’rabta mal-kisba tal-mira tal-faqar. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jirriflettu fuq modi biex jagħtuha s-setgħa bħala pjattaforma biex tappoġġja prattiki tajbin fil-ġlieda kontra l-faqar u biex tiżgura li hija marbuta direttament mal-proċessi ewlenin tal-UE – pereżempju, is-Semestru Ewropew u l-Istrateġija Ewropa 2020.

6.2.

Il-KESE ifakkar fil-premessa 16 tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li espliċitament tistqarr li l-Istrateġija Ewropa 2020 “għandha tiġi implimentata, immonitorjata u evalwata, kif adatt, fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-assoċjazzjoni mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll tal-imsieħba soċjali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili”  (20). Dan it-test iservi biex jenfasizza li għandu jsir titjib fil-mod li bih jiġu kkonsultati l-partijiet interessati Ewropej u nazzjonali waqt it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tas-Semestru Ewropew.

6.3.

L-analiżi tal-EAPN enfasizzat in-nuqqas ta’ involviment sinifikattiv mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati (pubbliċi u privati) rilevanti, bħall-imsieħba soċjali, l-NGOs u oħrajn, fl-istadji tat-tfassil u l-implimentazzjoni tas-Semestru. Biex is-soċjetà ċivili tkun involuta effettivament fl-istadji kollha tal-proċess tas-Semestru, il-Kummissjoni għandha tipproponi linji gwida ġodda dwar il-parteċipazzjoni mingħajr dewmien u timmonitorja l-progress fir-rapporti tal-pajjiżi u dokumenti oħra ta’ monitoraġġ.

6.4.

Bl-istess mod, hemm bżonn li taħdem ma’ dawk li qed jesperjenzaw il-faqar sabiex tismal-vuċi tagħhom u biex tindirizza n-nuqqas ta’ interess fl-UE fuq skala kbira, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ. Il-laqgħat annwali tal-EAPN ta’ persuni li għandhom esperjenza diretta ta’ faqar huma eżempju ta’ prattika tajba. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li dawn il-laqgħat jibqgħu jiġu appoġġjati finanzjarjament u jiġu integrati fi proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-progress li sar lejn il-kisba tal-mira għat-tnaqqis tal-faqar bħala parti mis-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, dawn il-laqgħat għandhom isiru wkoll fil-livell nazzjonali.

7.   Kummenti speċifiċi – ir-responsabbiltà f’diversi livelli, l-aħjar prattiki għall-ġlieda kontra l-faqar

7.1.

Il-KESE jaqbel mal-intenzjoni tal-Presidenza Netherlandiża li torganizza reviżjonijiet tal-aħjar prattiki bejn il-pari f’diversi livelli għall-ġlieda kontra l-faqar, iżda jenfasizza li l-muniċipalitajiet ma jistgħux ikunu l-uniċi entitajiet responsabbli biex jipprovdu eżempji bħal dawn. Il-KESE jemmen li inizjattivi reġjonali u lokali ma għandhomx jieħdu post ir-responsabbiltajiet u l-garanziji ċentrali. Il-gvernijiet u l-partijiet interessati pubbliċi u privati għandhom jikkooperaw b’mod sistematiku u strutturat jekk iridu jilħqu l-għan li jnaqqsu l-faqar.

7.2.

Il-KESE jixtieq jenfasizza li, pereżempju fin-Netherlands, ħafna kompetenzi fil-qasam ta’ kwistjonijiet soċjali ġew ittrasferiti lill-muniċipalitajiet. Il-konċentrazzjoni ta’ diversi kompiti fil-livell muniċipali tista’ tkun kosteffiċjenti u tippermetti soluzzjonijiet imfassla apposta li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, iżda, kif imsemmi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tan-Netherlands, hemm riskju ta’ tnaqqis possibbli ta’ finanzjamenti, li għandu jkun evitat. Id-deċentralizzazzjoni ta’ inizjattivi mhijiex kompatibbli ma’ tnaqqis fil-baġits tal-muniċipalitajiet.

7.3.

Għalhekk, il-KESE jemmen li, għalkemm l-aħjar prattiki ċertament jeżistu fil-livell reġjonali u lokali, dawn ma jistgħux u m’għandhomx jibqgħu waħedhom. Jeħtieġu strateġiji nazzjonali biex jappoġġjawhom.

7.4.

Il-KESE jemmen ukoll li, meta jintgħażlu l-aħjar prattiċi għall-promozzjoni, għandu jkun hemm enfasi fuq approċċi bbażati fuq l-evidenza (eż. mistoqsijiet bħal: 1. din l-inizjattiva taħdem fil-prattika? 2. Tista’ tintuża f’kuntesti oħra?) u fuq l-inkoraġġiment ta’ rabtiet bejn il-partijiet interessati rilevanti. Għandu jinħoloq ukoll qafas xieraq għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.

7.5.

Dawn il-prattiki jenfasizzaw il-ħtieġa li jitfasslu politiki soċjali effettivi kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, li jiġu riorganizzati s-servizzi soċjali, li jerġgħu jiġu eżaminati l-prattiki tal-atturi fil-ħidma soċjali biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-persuni li qed jgħixu fil-faqar, li l-atturi soċjali jitħeġġu jużaw l-esperjenza professjonali tagħhom fl-iżvilupp tal-politiki soċjali u, fl-aħħar nett, li jingħataw drittijiet lil persuni li jiffaċilitaw l-integrazzjoni u l-avvanz soċjali ta’ persuni li jgħixu fil-faqar.

Brussell, it-18 ta’ Frar 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.

(2)  ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.

(3)  Finlandja: EAPN (2011), Active Inclusion. Making it happen, p. 49.

Finlandja/Ġermanja: Eurofound (2012), Active inclusion of young people with disabilities or health problems, Publications Office of the European Union, Lussemburgu. pp. 62-63.

Kroazja: http://www.humananova.org/en/news/0/60/the-impact-of-social-cooperative-humana-nova-in-2013th-year/.

Awstrija, Belġju, Norveġja, Slovenja: http://www.easpd.eu/en/content/investt and http://investt.eu/.

Żvezja: http://www.eurodiaconia.org/files/Events/CROSSROADS_20111209_2__AM_2.pdf.

Renju Unit: EAPN (2011), Active Inclusion. Making it happen, p. 30.

Skozja: http://links.alliance-scotland.org.uk/.

Latvja: EU Alliance for Investing in Children, Implementation Handbook: Putting the Investing in Children Recommendation into Practice, pp. 69-74.

Spanja: EU Alliance for Investing in Children (2015), Implementation Handbook: Putting the Investing in Children Recommendation into Practice, pp. 87-92.

Ġermanja: Social Inclusion and Dignity in Old Age – Promoting participatory approaches to use reference budgets, pp. 46-50.

Bulgarija, Rumanija: http://amalipe.com/index.php?nav=projects&id=57&lang=2.

Spanja: EAPN (2011), Active Inclusion.

(4)  Davidson, R., Mitchell, R., Hunt., K., (2008), Location, location, location: The role of experience of advantage in lay perceptions of area inequalities in health, Health & Place, 14(2):167-81.

(5)  http://www.audit-scotland.gov.uk/docs/health/2012/nr_121213_health_inequalities.pdf.

(6)  https://sustainabledevelopment.un.org/index.php?menu=1300.

(7)  http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E.

(8)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40.

(9)  COM(2013) 83 final u d-dokumenti annessi.

(10)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21ff.

(11)  Hemerijck (2014) kif ukoll Social Justice Ireland “Europe. A union for the powerless as well as the powerful”.

(12)  Ara “Social Investment in Europe – A study of national policies”, (2015), KE.

(13)  Bouget et al (2015) kif ukoll Social Justice Ireland “Europe. A union for the powerless as well as the powerful”.

(14)  Ara ĠU C 170, 5.6.2014, p. 23.

(15)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

(16)  jiġifieri minkejja l-fatt li l-Bulgarija kienet qed tiffaċċja livelli estremament għolja ta’ faqar fl-2015, l-ebda mis-CSRs tal-2015 ma enfasizzat din is-sitwazzjoni.

(17)  Ara EAPN (2015) “Can the Semester deliver on poverty and participation? EAPN Assessment of the National Reform Programmes 2015”.

(18)  Ara http://ec.europa.eu/esf/main.jsp?catId=62&langId=en.

(19)  Ara http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=961; u ĠU C 248, 25.8.2011, p. 130.

(20)  Ara http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14338-2010-INIT/en/pdf.


ANNESS

L-emenda proposta li ġejja nċaħdet iżda rċeviet aktar minn kwart tal-voti:

Emenda 15 (imressqa mis-Sur Pilawski)

Punt 1.15

Ibdel it-test kif ġej:

“iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tinkludi prinċipji ta’ standards u sistemi soċjali aktar effettivi u affidabbli fil-‘Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali’ imħabbar u biex tagħmel il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali waħda mill-elementi ewlenin ta’ dak il-pilastru. Il-Kummissjoni Ewropea, meta tipproponi soluzzjonijiet fil-qafas tal-‘Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali’, għandha tqis il-livell differenti tal-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Istati Membri individwali u tikkunsidra l-konsegwenzi possibbli, partikolarment ta’ titjib fl-istandards soċjali, fuq l-impjiegi u r-riskju ta’ faqar u l-esklużjoni soċjali f’dawn il-pajjiżi;

L-emenda tressqet għal votazzjoni u nċaħdet b’59 vot favur u 131 vot kontra, bi 13-il astensjoni.


Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

il-514 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-17 u d-18 ta' Frar 2016

14.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/17


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali”

[COM(2015) 468 final]

(2016/C 133/04)

Relatur:

is-Sur Daniel MAREELS

Nhar il-30 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali”

[COM(2015) 468 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Jannar 2016.

Matul il-514-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ Frar 2016 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’179 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Peress li l-irkupru tal-ekonomiji Ewropej għadu kajman u fraġli u l-livell ta’ investiment għadu dgħajjef, għandha tingħata prijorità lill-mobilizzazzjoni tal-mezzi kollha sabiex jitħeġġeġ irkupru ekonomiku sod u stabbli f’ambjent iktar unifikat. Il-KESE huwa tal-fehma li Unjoni tas-Swieq Kapitali se tikkontribwixxi għal dan l-għan u għalhekk jilqa’l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali”.

1.2.

Il-Kumitat jaqbel mal-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni. Hawnhekk l-isfida tinsab fil-mobilizzazzjoni tal-kapital fl-Ewropa u jiġi orjentat lejn l-intrapriżi, l-infrastrutturi u l-proġetti sostenibbli fit-tul kollha, li jħallu effetti pożittivi fuq l-impjieg. Kwalunkwe tip ta’ investitur għandu jkun protett aħjar u jikseb aktar opportunitajiet.

1.3.

Żieda u diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament huma elementi ewlenin biex jiżdiedu l-investiment u t-tkabbir u jinħolqu l-impjiegi. Dawn iridu jitwettqu fil-kuntest ta’ suq kapitali uniku. Il-Kumitat iqis li armonizzazzjoni u standardizzazzjoni massimi tar-regoli għandhom ikunu prijorità. Għal din ir-raġuni huwa neċessarju li l-Istati Membri kollha jintroduċu, japplikaw u jissorveljaw il-miżuri differenti tal-pjan ta’ azzjoni bl-istess mod.

1.4.

Il-Kumitat huwa tal-fehma li s-suċċess tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali se jiddependi fuq l-abbiltà li l-aħjar tas-sitwazzjoni attwali tiġi kkombinata mal-akbar firxa ta’ opportunitajiet ġodda. Il-prijoritajiet għandhom jiżguraw aċċess faċli, adegwat u diversifikat għall-finanzjament, jallokaw aħjar il-kapital u jnaqqsu l-ispiża. Jeħtieġ li jiġu pprovduti garanziji dwar il-kompetittività u l-attrazzjoni tal-Ewropa fil-livell internazzjonali.

1.5.

Il-finanzjament bankarju se jibqa’ jaqdi rwol sostanzjali fil-finanzjament tal-ekonomija. Il-banek għandhom funzjoni importanti x’jaqdu, mhux biss bħala kredituri, iżda wkoll bħala intermedjarji fis-swieq kapitali. Għall-Kumitat, huwa xieraq li jiġu analizzati f’iżjed dettall ċerti swieq ġodda, partikolarment dak tas-self mhux produttiv, peress li jistgħu jżidu r-riżorsi disponibbli, speċjalment għall-SMEs.

1.6.

Il-finanzjament tal-SMEs, speċjalment tal-intrapriżi żgħar u mikro, huwa fil-qalba tal-ekonomija Ewropea u ta’ importanza kruċjali għall-impjiegi, u huwa kwistjoni prinċipali għall-KESE. Madankollu, il-Kumitat iqajjem mistoqsijiet serji dwar ir-rilevanza u l-effiċjenza tal-unjoni tas-swieq kapitali għall-SMEs.

1.6.1.

Għall-intrapriżi mikro u żgħar, l-aċċess għas-swieq kapitali huwa, bħala regola ġenerali, għan ambizzjuż ħafna. Għandhom ikunu kapaċi jagħżlu l-mezzi ta’ finanzjament li huma l-aktar adatti għalihom. Għal dan il-għan, għandhom jiġu żgurati l-implimentazzjoni tal-usa’ firxa ta’ strutturi u ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament kif ukoll l-usa’ diversifikazzjoni possibbli tal-ekosistema finanzjarja.

1.6.2.

Fir-rigward tal-finanzjament tradizzjonali mill-bank, li għandu jkompli jiġi appoġġjat, b’mod partikolari fir-rigward tal-garanziji, wieħed għandu jinnota li dan huwa influwenzat minn karatteristiċi nazzjonali. L-aħjar strutturi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali m’għandhomx jiġu ddubitati. Ir-Regolament Finanzjarju jeħtieġ li fil-futur jikkunsidra l-aħjar speċifiċitajiet nazzjonali sabiex is-self reġjonali lill-SMEs ma jkunx mhedded.

1.6.3.

Apparti dan, jeħtieġ li jiġu analizzati l-alternattivi utli l-oħra kollha u, kull meta hu possibbli, jiġu żviluppati mezzi ġodda, bħalma jagħmel il-Pjan Juncker. Barra minn hekk ir-rwol tal-BEI fil-qasam tal-istrumenti (b’mod partikolari s-sistemi ta’ garanziji) għall-finanzjament tal-ekonomija (1) jista’ jkompli jissaħħaħ. Il-proposti ta’ titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS) (2) jikkostitwixxu wkoll pass fid-direzzjoni t-tajba.

1.6.4.

Għall-SMEs l-oħra, huwa importanti, bħalma hu l-każ għall-intrapriżi kollha, li l-aċċess għas-suq kapitali jkun jista’ jsir b’mod effettiv. Il-finanzjament għandu jsir b’mod irħis u jinvolvi spejjeż aktar baxxi. Huwa importanti li jiġi indirizzat id-defiċit ta’ informazzjoni attwali li huwa prevalenti. Barra minn hekk, il-qafas għandu jkun aktar faċli li jintuża mill-SMEs.. Għal dan l-għan, jista’ jkun xieraq li wieħed jispira ruħu mill-“aħjar prattiki” eżistenti.

1.7.

Għall-Kumitat, l-unjoni tas-swieq kapitali għandha tkun l-ixprun tal-istabbiltà ekonomika u finanzjarja fl-Unjoni Ewropea. L-espansjoni u d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament fil-kuntest ta’ suq uniku ser jippermettu allokazzjoni tajba tar-riskji u jeħtieġ li l-ekonomiji Ewropej isiru aktar b’saħħithom u reżistenti għax-xokkijiet.

1.8.

Fir-rigward tar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza, il-Kumitat huwa tal-fehma li qafas adattat għandu jipprovdi l-flessibbiltà biex is-swieq kapitali jiffjorixxu, filwaqt li jillimita l-impatt tad-dgħufijiet tagħhom, bħat-teħid ta’ riskji li mhumiex meħtieġa jew eċċessivi. Is-sistema l-ġdida għandha tkun kapaċi tirreżisti għal effetti negattivi ta’ kriżijiet ġodda li jistgħu jfaqqgħu. Għandhom jiżdiedu wkoll il-konverġenza u l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sorveljanza mikroprudenzjali u makroprudenzjali, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fuq il-livell nazzjonali.

1.9.

Is-sistema bankarja parallela għandha titmexxa wkoll minn dan il-qafas u hemm lok li jiġi ristrett ir-riskju ta’ arbitraġġ regolatorju. Huwa importanti li jkunu jeżistu kondizzjonijiet indaqs għall-operaturi kollha li jwettqu attivitajiet finanzjarji simili fis-swieq u li l-prinċipju ta’ “l-istess riskju, l-istess regola” għandu japplika b’mod ġenerali.

1.10.

Is-swieq kapitali jiftħu wkoll opportunitajiet ġodda għall-investituri attivi fih. Il-Kumitat iħoss li dan il-progress huwa pożittiv sakemm ikun previst qafas ta’ protezzjoni adattat u mtejjeb. Huwa għalhekk li hemm lok li jiżdiedu s-semplifikazzjoni, it-trasparenza u l-komparabbiltà tal-istrumenti finanzjarji u l-informazzjoni fil-qasam. Dan it-titjib barra minn hekk għandu jkun ta’ benefiċċju wkoll għall-intrapriżi li jkunu qed ifittxu finanzjamenti. Huwa xieraq ukoll li jiġu intensifikati l-isforzi fl-edukazzjoni finanzjarja.

1.11.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, il-KESE huwa favur il-proċess minn isfel għal fuq u gradwali li ġie adottat, filwaqt li jqis li għandu jsir iktar xogħol mingħajr dewmien, fuq il-bażi tal-impetu u l-appoġġ li rriżultaw wara l-Green Paper. Il-KESE jinnota li l-ħolqien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali huwa proġett fuq skala kbira li s-suċċess tiegħu ser jiddependi għalkollox fuq id-dettalji u l-garanziji. Barra minn hekk, it-tħaffif tal-aċċess għall-kreditu żgur mhuwiex problema fl-Istati Membri kollha, u tnaqqis bħal dan fil-provvista qatt mhu se jkun jista’ jsolvi din il-problema mil-lat tad-domanda. Għandna għalhekk noqogħdu lura milli nikkunsidraw li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija l-mezz biex insolvu l-problemi li wieħed jiltaqa’ magħhom fl-UE.

1.12.

Issa dan ifisser li l-ispirtu tal-objettivi stabbiliti jiġi dejjem imħares fis-sod u li l-progress jiġi rreġistrat regolarment. Il-Kumitat huwa mħasseb dwar iż-żmien li se jkun meħtieġ qabel ma jinkiseb riżultat finali, mhux biss minħabba n-numru kbir ta’ elementi li jinvolvi l-pjan, iżda wkoll għax id-diskrepanzi nazzjonali profondi mhux se jisparixxu malajr. Huwa favur li jitwettqu valutazzjonijiet intermedjarji f’intervalli regolari, u jinsab lest li jagħti l-kontribut tiegħu.

2.   Kuntest

2.1.

Bl-għan li twettaq il-prijoritajiet assoluti tagħha, li huma t-tkabbir, l-impjieg u l-investimenti, il-Kummissjoni ta’ Juncker, minn meta ħadet ir-responsabbiltà tagħha, implimentat “pjan ta’ investiment għall-Ewropa”. Dan jinkludi tliet oqsma, li wieħed minnhom jikkonsisti fil-“ħolqien ta’ ambjent li jiffavorixxi l-investiment” (3). L-istabbiliment gradwali ta’ unjoni tas-swieq kapitali, flimkien ma’ suq uniku diġitali u unjoni tal-enerġija, jikkostitwixxi wieħed mill-objettivi prinċipali msemmija f’dan it-tielet qasam.

2.1.1.

Fl-aħħar ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni ppubblikat il-“Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali” tagħha (4), li jsegwi konsultazzjoni li ġiet organizzata dwar dan is-suġġett abbażi ta’ Green Paper u li wassal għal parteċipazzjoni kbira, fosthom dik tal-KESE (5). Dan il-pjan ta’ azzjoni jistabbilixxi l-bażijiet meħtieġa għal unjoni tas-swieq kapitali effettiva u integrata, li tinkludi lill-Istati Membri kollha, bl-għan tal-implimentazzjoni tagħha minn issa sal-2019.

2.1.2.

Dawn l-elementi bażiċi, li hemm 33 minnhom u li se jitħabbru fi stadji, jikkonċernaw prinċipalment l-oqsma u s-suġġetti li ġejjin (6):

il-finanzjament tal-innovazzjoni, l-intrapriżi emerġenti u l-kumpaniji mhux ikkwotati;

il-faċilitazzjoni għall-intrapriżi biex jidħlu fis-swieq pubbliċi u biex iżidu l-kapital fihom;

l-investiment fit-tul, l-infrastrutturi u l-proġetti sostenibbli;

it-trawwim tal-investiment bl-imnut u l-investiment istituzzjonali;

l-użu tal-kapaċità tal-banek li jsostnu l-ekonomija kollha;

il-faċilitazzjoni tal-investimenti transkonfinali.

2.1.3.

Skont il-pjan ta’ azzjoni, kull wieħed minn dawn l-elementi meħud waħdu se jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi stabbiliti iżda l-effett kumulattiv tagħhom se jkun sinifikanti wkoll.

2.2.

L-unjoni tas-swieq kapitali, kif inhi mfassla, issegwi diversi objettivi, fosthom dak li ssaħħaħ ir-rabta bejn it-tfaddil u t-tkabbir.

2.2.1.

L-unjoni tas-swieq kapitali għandha tkabbar il-firxa tal-opportunitajiet ta’ finanzjament fl-Ewropa għal sorsi oħra bħas-self bankarju, billi jingħata rwol iktar importanti lis-swieq finanzjarji. Dan għalhekk jirrigwarda d-diversifikazzjoni tal-finanzjamenti tal-ekonomija billi jiġi previst ukoll ir-rikors għal sorsi mhux bankarji. Unjoni tas-swieq kapitali għandha tgħin fil-mobilizzazzjoni tal-kapital fl-Ewropa u tidderiġih lejn l-intrapriżi, l-infrastrutturi u l-proġetti sostenibbli fit-tul kollha.

2.2.2.

L-unjoni tas-swieq kapitali tipprevedi li tapprofondixxi s-suq uniku ta’ servizzi finanzjarji. It-tnedija tagħha twassal għal integrazzjoni finanzjarja iktar wiesgħa u iktar b’saħħitha, kif ukoll għal żieda fil-kompetizzjoni. Is-swieq kapitali se jibbenefikaw mill-vantaġġi li jirriżultaw mid-daqs tas-suq uniku u fl-istess ħin isiru iktar likwidi u kompetittivi.

2.2.2.1.

Din l-unjoni għaldaqstant se tikkontribwixxi għat-tkabbir u l-istabbiltà finanzjarja. Billi tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għall-intrapriżi, din tiffavorixxi t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Diversifikazzjoni tar-riskji tagħti stabbiltà ulterjuri lis-sistema kollha.

2.2.3.

Iċ-ċittadini u l-konsumaturi jkunu jistgħu huma wkoll jiksbu vantaġġi sostanzjali, b’mod partikolari permezz tal-possibbiltajiet ġodda ta’ investimenti li ser jiżviluppaw.

3.   Osservazzjonijiet u kummenti

3.1.

Għandha tintlaqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija tal-pjan ta’ azzjoni. Għalkemm il-preżentazzjoni tiegħu f’perjodu ta’ ftit iktar minn sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tal-Green Paper hija diġà ħaġa tajba, huwa iktar pożittiv il-fatt li kollox qed isir, u b’mod prijoritarju, biex tiġi stimulata l-ekonomija billi jiżdiedu u jittejbu l-possibbiltajiet ta’ finanzjament tagħha u jingħataw ukoll impeti ġodda favur it-tkabbir u l-impjiegi deċenti.

3.2.

Il-KESE jista’ jadotta għalih innifsu l-objettivi tal-pjan ta’ azzjoni u l-għażla tal-oqsma meqjusa prijoritarji:

li tiġi offruta għażla ħafna ikbar ta’ sorsi ta’ finanzjament lill-intrapriżi Ewropej u b’mod partikolari lill-SMEs. Unjoni tas-swieq kapitali għandha tkabbar il-firxa ta’ possibbiltajiet ta’ finanzjament għall-intrapriżi. Dawn il-mezzi għandhom jeżistu kullimkien u jkunu aċċessibbli għall-intraprendituri għall-finanzjament ta’ kull stadju ta’ żvilupp tal-intrapriża tagħhom;

li jiġi stabbilit ambjent regolatorju xieraq għall-investimenti fit-tul u dawk ta’ natura sostenibbli, kif ukoll għall-finanzjament tax-xogħol ta’ infrastrutturi Ewropej;

li jiżdiedu l-investimenti u jitkabbru l-possibbiltajiet ta’ għażla għall-investituri fil-livell tal-konsumatur u dawk istituzzjonali fil-qafas adatt biex jipproteġi l-investiment;

li tissaħħaħ il-kapaċità ta’ self tal-banek, b’mod partikolari permezz ta’ rkupru adegwat ta’ operazzjonijiet u ta’ swieq ta’ titolizzazzjoni, li għandu jippermetti ż-żieda tal-krediti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-SMEs;

li jiġu evalwati b’mod profond l-impatt akkumulat u l-koerenza tar-regolamentazzjoni finanzjarja adottata bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja, mill-perspettiva tal-finanzjament tal-ekonomija reali;

li jitneħħew l-ostakoli transkonfinali u jiġu żviluppati s-swieq kapitali għat-28 Stat Membru kollha, b’mod partikolari bit-tneħħija ta’ ċertu numru ta’ ostakoli fiskali jew oħrajn.

Għalkemm huwa importanti li l-isforzi numerużi li jeħtieġ il-bini ta’ unjoni tas-swieq kapitali jinġabru fl-istess pjan, l-eżistenza ta’ rieda ċara ta’ dibattitu hija wkoll essenzjali bħalma hija r-riżoluzzjoni soda li jitneħħew l-ostakoli li jxekklu s-sistema finanzjarja Ewropea meta jiġi mfittex l-iżvilupp tagħha.

3.3.

L-objettiv ta’ diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament ma jistax jiġi segwit għad-detriment tas-sistema bankarja. Il-finanzjamenti żgurati mill-banek u mis-suq għandhom jimxu id f’id u għandhom jitqiesu bħala komplementari. Il-banek għaldaqstant għandhom ukoll rwol ta’ intermedjarju fis-swieq kapitali.

3.3.1.

Wieħed mill-oqsma ta’ prijorità tal-Pjan ta’ Azzjoni huwa li tiżdied il-kapaċità tal-banek li jsellfu lill-ekonomija. Is-“self improduttiv” (7) jibqa’ sors ta’ tħassib fl-UE u jorbot kapital li kieku meħlus jintuża biex jingħata aktar self. Il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni biex tiġi rilaxxata l-kapaċità fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek billi tiġi promossa t-titolizzazzjoni tas-self mhux produttiv u billi jinħolqu swieq għall-“assi danneġġati”. Kieku jiġu żviluppati swieq profondi u trasparenti għad-“dejn bankarju ta’ intrapriżi f’diffikultà”, jew jingħataw impetu ġdid fejn dawn jeżistu diġà, is-self mill-banek jista’ jiġi rilaxxat.

3.4.

Swieq kapitali profondi, likwidi u effettivi se jkunu ta’ benefiċċju għall-operaturi u l-atturi kollha preżenti fihom.

3.4.1.

Għalhekk, is-swieq kapitali jistgħu jtejbu l-aċċess għall-finanzjamenti għall-intrapriżi li jkunu qed ifittxu l-fondi, li għalhekk se jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ aċċess aħjar u, konsegwentement, inqas kost kapitali, bis-saħħa ta’ żieda fil-kompetizzjoni bejn l-investituri. Barra minn hekk, il-finanzjamenti se jibqgħu assigurati iktar matul il-perjodi diffiċli, peress li s-swieq kapitali ġeneralment ser ikunu aħjar ukoll biex jiġġestixxu ambjenti inċerti u proġetti iktar riskjużi.

3.4.2.

Is-swieq tal-bonds sovrani huma importanti ħafna mill-perspettiva tal-evalwazzjoni ta’ riskji differenti. Għalhekk hemm bżonn l-integrazzjoni tas-swieq sabiex tinkiseb Unjoni tas-Swieq Kapitali. Din tappoġġja wkoll il-konverġenza fl-ispejjeż kapitali tal-emittenti privati. Għalhekk se jkunu milqugħa miżuri xierqa f’dan il-qasam.

3.4.3.

Il-bini ta’ unjoni tas-swieq kapitali jitqies ta’ suċċess biss jekk l-elementi li jkunu jikkostitwixxuha jkunu solidi u kredibbli biżżejjed. Għalhekk għandhom jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tax-xenarju finanzjarju attwali filwaqt li jinħolqu numru biżżejjed ta’ opportunitajiet u possibbiltajiet ġodda biex jinkisbu finanzjamenti. Is-sistema li tirriżulta għandha toffri wkoll garanziji għall-kompetittività u l-attrazzjoni tal-Ewropa fil-livell internazzjonali.

3.4.4.

L-SMEs b’mod partikolari jikkostitwixxu sfida reali. Tqum il-kwistjoni dwar kif dawn jistgħu jiksbu aċċess għall-krediti. Dan se jkun proġett kbir, li jagħtihom aċċess għas-swieq kapitali u għall-possibbiltajiet u l-istrumenti ta’ finanzjament u li jippermettilhom jisfruttawh b’mod utli. Spiss jiġri li dawn l-intrapriżi jiffaċċjaw nuqqas ta’ informazzjoni li ma jiffaċilitax il-kompitu (8). Għalhekk il-qafas il-ġdid għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-faċilitajiet li dan joffri lill-intrapriżi żgħar

3.4.5.

Jeħtieġ li l-intrapriżi u l-SMEs, b’mod partikolari l-mikrointrapriżi, li m’għandhomx aċċess għas-swieq kapitali, ikollhom il-possibbiltà, fl-istadji kollha tal-iżvilupp tagħhom, li jagħżlu l-kanali ta’ finanzjament li jkunu l-iktar xierqa għalihom. Għall-intrapriżi żgħar u l-mikrointrapriżi, għaldaqstant huwa importanti li tiġi implimentata d-diversifikazzjoni l-iktar wiesgħa possibbli tal-ekosistema finanzjarja sabiex dawn ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-iktar firxa wiesgħa ta’ strutturi u ta’ possibbiltajiet ta’ finanzjament, inkluża l-lokazzjoni. Iridu jiġu previsti l-possibbiltajiet kollha. Is-soluzzjonijiet m’għandhomx jiġu mfittxija biss fis-settur bankarju u fis-suq kapitali iżda wkoll lil hinn minnhom. Il-pjan ta’ Juncker diġà ta impetu tajjeb f’dan is-sens. Il-BEI jista’ wkoll jagħmel sforz biex jaqdi rwol iktar attiv f’dan il-qasam, direttament jew indirettament, pereżempju permezz ta’ skemi ta’ garanzija.

3.4.6.

Se jinfetħu possibbiltajiet ġodda ta’ investiment għall-atturi li jfittxu investimenti u għall-investituri. Permezz tat-twessigħ tal-offerta ta’ prodotti finanzjarji, dawn se jkunu jistgħu jqisu aktar l-objettivi finali tal-investiment tagħhom, jiżguraw id-diversifikazzjoni u l-kontroll tar-riskji kif ukoll itejbu l-profil tagħhom ta’ riskju-rendiment.

3.4.7.

L-investituri għandhom dritt għal protezzjoni xierqa. Għal dan l-għan, huwa meħtieġ li jkun hemm qafas ta’ protezzjoni adatt, kif ukoll li jiġi permess ċertu numru ta’ sforzi oħra, pereżempju fir-rigward tal-edukazzjoni finanzjarja u l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta aktar u tkun ta’ kwalità aħjar. Għall-bidu, tista’ ssir ħidma lejn żieda fis-semplifikazzjoni, aktar trasparenza u komparabbiltà aħjar tal-istrumenti finanzjarji fis-swieq, li jistgħu għaldaqstant ikunu ta’ benefiċċju wkoll għall-parteċipanti kollha li jfittxu mezzi finanzjarji.

3.5.

Jekk dak li jkun tassew irid jikseb suq uniku, mhux biżżejjed li jitneħħew l-ostakoli transkonfinali u l-frammentazzjoni attwali, iżda huwa importanti wkoll li tiġi evitata l-okkorrenza ta’ ostakoli ġodda. Il-Kumitat iqis li armonimazzjoni u standardizzazzjoni massimi tar-regoli għandhom ikunu prijoritajiet, li fir-rigward tagħhom għandha tingħata attenzjoni kbira lill-għażla tal-istrumenti użati. Għal din ir-raġuni huwa neċessarju li l-Istati Membri kollha jintroduċu, japplikaw u jissorveljaw il-miżuri differenti tal-pjan ta’ azzjoni bl-istess mod.

3.6.

Unjoni tas-swieq kapitali għandha tagħmel l-ekonomiji Ewropej iktar sodi u reżistenti għax-xokkijiet. L-istess japplika għall-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-UE. Huwa għalhekk li qafas regolatorju adegwat huwa indispensabbli. Jeħtieġ li permezz tad-dispożizzjonijiet li se jkun fih, il-punti b’saħħithom tal-unjoni tas-swieq kapitali, bħal distribuzzjoni u diversifikazzjoni adegwati tar-riskji, jkunu jistgħu jitniedu meta jkun xieraq, filwaqt li l-punti dgħajfa jinżammu taħt kontroll strett. Hija indispensabbli l-ħidma biex is-sistema finanzjarja, fit-totalità tagħha, tkun mgħammra aħjar biex tiffaċċja kriżijiet ġodda possibbli. Jekk ikun il-każ, il-konsegwenzi ta’ dawn l-episodji għandhom jittaffew b’mod iktar rapidu u iktar immirat.

3.7.

Kemm fid-dawl tar-riskji li jistgħu jinħolqu kif ukoll għall-finijiet ta’ stabbiltà ekonomika u finanzjarja, hemm lok ukoll li tiġi prevista, fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE, sorveljanza mikro u makroprudenzjali xierqa li tirrigwarda s-segmenti tas-swieq kapitali kkonċernati. Il-kanali ġodda ta’ finanzjament għandhom ikunu suġġetti għall-prinċipju ta’ “riskju ugwali, regola ugwali”.

3.8.

Hemm lok li titqies is-sistema bankarja msejħa “parallela”. Il-KESE diġà ddikjara li r-regolamentazzjoni għandha tapplika għaliha wkoll (9) u diġà indika l-ħtieġa li jiġi evitat ir-riskju ta’ arbitraġġ regolatorju (10). Għall-Kumitat, fil-fatt ma għandhomx jeżistu “attivitajiet bankarji paralleli”; fi kliem ieħor, is-sistema bankarja parallela għandha tkun suġġetta għall-istess rekwiżiti regolatorji u prudenzjali bħall-istabbilimenti finanzjarji l-oħra (11). Fl-istess ħin, huwa jqis li għandu jiġi rikonoxxut li s-sistema bankarja parallela tikkostitwixxi wkoll kanal alternattiv ta’ finanzjament komplementari li jista’ jirriżulta utli għall-ekonomija reali (12).

3.9.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, hemm lok li jiġu appoġġati bil-kbir l-approċċ minn isfel għal fuq u l-proċess gradwali li ġew adottati, peress li dawn jagħmluha possibbli li dak li jkun jiddependi utilment fuq il-kontribut tal-operaturi ekonomiċi, li jiġu stabbiliti prijoritajiet u li ssir ħidma fuq il-bażi ta’ kombinazzjoni ta’ inizjattivi u ta’ miżuri fuq żmien qasir jew twil.

3.10.

Għalissa, huwa importanti li jiġu sfruttati d-dinamika u l-appoġġ kbir espressi favur unjoni tas-swieq kapitali matul il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper, kif ukoll li jinkisbu riżultati konkreti malajr.

3.11.

Matul il-perjodu li ġej, se jkun importanti li l-ispirtu tal-objettivi stabbiliti jiġi dejjem imħares fis-sod u li l-progress jiġi rreġistrat regolarment. Huwa importanti li jinġabru riżultati pożittivi u tanġibbli fl-oqsma kollha li jirrigwardaw il-pjan ta’ azzjoni. F’dan il-kuntest, il-KESE japprezza l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrapporta b’mod regolari dwar il-progress u li twettaq evalwazzjoni kumplessiva fl-2017, malli eventwalment isiru meħtieġa miżuri komplementari u adattamenti għall-kalendarju.

3.12.

Huwa aċċettabbli li wieħed jistaqsi jekk il-kalendarju stabbilit għall-unjoni tas-swieq kapitali, jiġifieri minn issa sal-2019, huwiex tassew realistiku u fattibbli. Għad fadal ħafna xi jsir u huwa ta’ tħassib li d-diskrepanzi konsiderevoli li jippersistu bejn l-Istati Membri mhux se jiġu assorbiti u eliminati daqshekk faċilment. L-elementi differenti tal-pjan ta’ azzjoni jistgħu joffri biss bażi tajba sabiex titwettaq l-unjoni tas-swieq kapitali iżda huwa dan is-suq innifsu li se jkun il-fattur determinanti għas-suċċess jew il-falliment tiegħu.

Brussell, is-17 ta’ Frar 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ara wkoll f’dan ir-rigward il-ħidma tal-KESE dwar is-suġġett “L-industrija Ewropea u l-politika monetarja – Ir-rwol tal-BEI”: http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.fr.events-and-activities-industry-monetary-policy-eib.

(2)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar it-titolizzazzjoni u li joħloq qafas Ewropew għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 u regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment (ĠU C 82, 3.3.2016, p. 1).

(3)  Ara s-sit tal-Internet tal-Kummissjoni Ewropea http://ec.europa.eu/priorities/jobs-growth-investment/plan/index_mt.htm.

(4)  “Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali” – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni (COM(2015) 468 final). Ara http:/eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1447000363413&uri=CELEX%3A52015DC0468.

(5)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Green Paper “Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali” (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 64).

(6)  Għal iktar dettalji, ara l-Anness 1 tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali.

(7)  “Non performing loans” jew NPL bl-Ingliż.

(8)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “L-aċċess tal-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (midcaps) għall-finanzjament matul il-perjodu 2014-2020: opportunitajiet u sfidi” (Rapport ta’ informazzjoni), EESC-2014-06006-00-00-RI-TRA, l-1 ta’ Lulju 2015.

(9)  Ara l-Opinjoni tal-KESE “Wara l-kriżi: sistema finanzjarja ġdida għas-suq intern” (ĠU C 48, 15.2.2011, p. 38), punt 2.7.2.1.

(10)  Ara l-Opinjoni tal-KESE “Green Paper – L-ibbankjar parallel” (ĠU C 11, 15.1.2013, p. 39), punt 1.4.

(11)  Ara l-Opinjoni tal-KESE “Green Paper – L-ibbankjar parallel” (ĠU C 11, 15.1.2013, p. 39), punt 1.5.

(12)  Ara l-Opinjoni tal-KESE “Sistema Bankarja Parallela – Nindirizzaw Sorsi Ġodda ta’ Riskju fis-Settur Finanzjarju” (ĠU C 170, 5.6.2014, p. 55), punt 1.10.


14.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/23


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta’ obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima”

[COM(2015) 646 final – 2015/0296 (CNS)]

(2016/C 133/05)

Relatur Ġenerali:

is-Sur Daniel MAREELS

Nhar l-14 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta’ obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima”

[COM(2015) 646 final – 2015/0296 (CNS)].

Nhar id-19 ta’ Jannar 2016, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul il-514-il Sessjoni Plenarja tiegħu tas-17 u t-18 ta’ Frar 2016 (seduta tas-17 ta’ Frar) li jaħtar lis-Sur Daniel Mareels bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’175 vot favur, 3 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat japprova l-proposta għal direttiva li testendi r-rata standard minima għall-VAT. Il-minimu se jibqa’ fl-istess livell bħal f’perijodi preċedenti, jiġifieri 15 %, u se jiġi estiż b’sentejn mill-2016.

1.2.

Arranġamenti tranżitorji għall-VAT ilhom fis-seħħ għal żmien twil. Tabilħaqq huwa mixtieq, b’rabta ma’ dan, li tiġi stabbilita rata minima ta’ dan it-tip, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern: jekk ma jkunx hemm minimu, ikun hemm ir-riskju ta’ turbolenzi u distorsjonijiet fis-suq u ta’ żieda fil-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri.

1.3.

Barra minn hekk, l-iffissar ta’ rata minima għal perjodu speċifikat b’mod ċar jgħin ukoll biex ikun hemm aktar ċarezza u ċertezza legali, li jkun ta’ benefiċċju għal kull min hu involut.

1.4.

Meta dan l-arranġament ġie estiż għall-ħames darba, fl-2010, il-Kumitat esprima t-tama li din (l-estensjoni) tkun “l-aħħar darba”. L-estensjoni l-ġdida għal perjodu iqsar jista’ jitqies bħala pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda fil-fehma tal-Kumitat dan ma jbiddilx il-fatt li jridu jsiru aktar sforzi biex nitbiegħdu mis-sistema tranżitorja attwali, li ilha fis-seħħ għal aktar minn 20 snin, u lejn sistema definittiva għall-VAT adattata għas-suq intern Ewropew.

1.5.

Ġeneralment, il-KESE itenni l-ħtieġa ta’ sistema tat-taxxa indiretta armonizzata u sempliċi, li tnaqqas il-piż amministrattiv u li ġġib benefiċċji ċari għall-intrapriżi u l-individwi, li tiggarantixxi tassazzjoni ġusta u dħul ċert għall-finanzi pubbliċi, li tnaqqas ir-riskju ta’ frodi fiskali u li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri u l-ikkompletar tas-suq intern.

1.6.

Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li toħroġ, f’Marzu 2016, Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Futur tal-VAT. Fil-fehma tal-Kumitat, huwa importanti li jiġi appoġġat l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir kontinwu tant meħtieġa bil-mezzi kollha possibbli, u sistema tal-VAT adattata hija parti minn dan.

2.   Kuntest

2.1.

Bil-ħsieb tal-ħolqien ta’ suq intern, saru sforzi lura fil-bidu tas-snin disgħin biex nimxu lejn sistema definittiva għall-VAT, iżda nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri kien ifisser li arranġament tranżitorju biss kien possibbli.

2.2.

F’dan ir-rigward, ġiet adottata d-Direttiva 92/77/KEE dwar ir-rati tal-VAT. Id-direttiva introduċiet sistema ta’ rati minimi, fejn stipulat li mill-1 ta’ Jannar 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1996, ir-rata standard ma setgħetx tkun aktar baxxa minn 15 % fi kwalunker Stat Membru. Minn dak iż-żmien ‘l hawn din id-dispożizzjoni ġiet estiża ħames darbiet u kienet tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2015.

2.3.

Din il-proposta – li evidentement ġiet ippreżentata pjuttost tard – testendi l-applikabbiltà tal-limitu minimu ta’ 15 %, iżda din id-darba għal sentejn biss. Dan huwa għaliex il-Kummissjoni se tippubblika Pjan ta’ Azzjoni fir-Rebbiegħa tal-2016 bil-għan li nimxu lejn sistema tal-VAT definittiva aktar sempliċi, aktar effiċjenti u aktar reżistenti għall-frodi, sistema mfassla għas-suq uniku. Matul dan il-perjodu jistgħu jsiru aktar diskussjonijiet estensivi dwar ir-rati tal-VAT.

Brussell, is-17 ta’ Frar 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


14.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Lejn Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET) integrat — l-aċċelerazzjoni tat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija Ewropea”

[C(2015) 6317 final]

(2016/C 133/06)

Korelatur:

is-Sur Mihai MANOLIU

Nhar il-15 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Lejn Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET) integrat – l-aċċelerazzjoni tat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija Ewropea”

[C(2015) 6317 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2016.

Matul il-514-il sessjoni plenarja tiegħu, li saret fis-17 u t-18 ta’ Frar 2016 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’172 vot favur, 6 voti kontra, u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jtenni l-impenn sod tiegħu lejn Unjoni tal-Enerġija (flimkien ma’ klawżola ta’ solidarjetà, it-transitu tal-enerġija bħala “il-ħames libertà”, l-effiċjenza enerġetika fuq quddiem nett, it-tranżizzjoni għal soċjetà sostenibbli bl-inqas użu ta’ karbonju possibbli), u favur djalogu Ewropew dwar l-enerġija, waqt li jappoġġja l-implimentazzjoni mill-iżjed effiċjenti ta’ Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET).

1.2.

Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ approċċ konġunt u konsistenti li jinvolvi l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati tal-politika tal-enerġija u l-koordinazzjoni ta’ programmi tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-enerġija, billi tiġi appoġġata t-tnedija bla dewmien fis-suq ta’ teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

1.3.

Fil-fehma tal-KESE, l-isfida prinċipali hija l-iżvilupp tekniku u xjentifiku tat-teknoloġiji u l-innovazzjoni, kif ukoll il-promozzjoni ta’ fatturi li jħeġġu l-ideat u l-kunċetti ġodda, kif inhuma definiti fil-qafas tal- Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET), li huwa neċessarju sabiex titħaffef it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa .

1.4.

Huwa meħtieġ li dawn il-kunċetti jkunu akkumpanjati b’mandat diskuss mal-partijiet interessati kif ukoll minn arranġamenti għal parteċipazzjoni fi pjan direzzjonali integrat li jaqdi wkoll ir-rwol ta’ pjan ta’ azzjoni għall-investiment li jagħmel użu mir-riżorsi tal-UE, nazzjonali, reġjonali u privati kif xieraq permezz tal-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija (EERA) u l-Inizjattivi Industrijali Ewropej (EIIs) sabiex jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet.

1.5.

Fil-fehma tal-KESE, li titħaffef it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa se tkun sfida ewlenija għall-Ewropa fis-snin li ġejjin fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, favur il-kompetittività u l-attrazzjoni ekonomika tal-Ewropa, u l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista għall-konsumaturi, kbar jew żgħar, bi prezz li jista’ jintlaħaq determinat b’mod trasparenti.

1.6.

Għall-KESE, il-politika dwar l-enerġija għandha tkun ibbażata fuq l-iżvilupp ta’ setturi ewlenin, identifikati permezz ta’ djalogu u kooperazzjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll it-taħriġ ta’ persunal li juża teknoloġiji ġodda.

1.7.

Il-KESE jemmen li biex ikun hemm reazzjoni għall-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej, jeħtieġ li jiġi adottat approċċ konsistenti u globali għall-kwistjoni tal-enerġija, li jinvolvi l-kooperazzjoni bejn l-Istati u suq intern tal-enerġija effiċjenti. Huma meħtieġa investimenti massivi kemm fir-riċerka teknoloġika kif ukoll fl-infrastruttura; l-investituri jeħtieġu qafas ta’ politika prevedibbli u possibbli, imsawwar minn analiżi preċiża tal-prijoritajiet tal-iżvilupp, tal-opportunitajiet ta’ finanzjament fattibbli u disponibbli, tal-kompetittività industrijali Ewropea u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, tal-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini.

1.8.

Il-Pjan SET għandu jkun speċifiku u msejjes fuq is-sitwazzjoni reali tal-Ewropa. Jekk it-teknoloġiji l-ġodda tal-enerġija jgħollu l-prezzijiet marbuta mal-enerġija għall-utent finali, jekk id-deċiżjonijiet politiċi jwasslu għal żidiet fit-tariffi tal-enerġija, il-KESE jikkunsidra li ċ-ċittadini huma intitolati li jistennew li din il-problema tiġi solvuta. Għandu jkun hemm l-involviment stabbli u prattiku tal-konsumaturi; il-faqar fl-enerġija għandu jiġi miġġieled ukoll permezz ta’ miżuri tal-politika soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali.

1.9.

L-esperjenza Ewropea wriet li l-impożizzjoni tat-teknoloġiji li jiġġeneraw l-enerġija b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju mingħajr ma jitqiesu la l-ispejjeż u lanqas il-maturità ta’ dawk it-teknoloġiji ma tagħti l-ebda riżultat utli iżda, għall-kuntrarju, tikkontribwixxi biex is-suq intern tal-enerġija ikun mhedded b’kollass.

1.10.

Il-KESE jemmen li t-teknoloġiji għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli għandhom potenzjal konsiderevoli, u jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati permezz ta’ proġetti li juru u jippromovu l-esperjenzi li kellhom suċċess. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll teknoloġiji oħra b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju: teknoloġiji tal-faħam nadif, il-ħżin tal-enerġija (inkluż l-elettriku), l-adattament tal-konsum skont id-domanda, l-użu tal-karbonju u tal-idroġenu, il-koġenerazzjoni u t-“tkessiħ” tal-bliet, u l-fissjoni u l-fużjoni nukleari.

1.11.

Il-KESE jerġa’ jappella biex jiġi stabbilit djalogu pubbliku dwar l-enerġija fl-Ewropa kollha (djalogu Ewropew dwar l-enerġija) biex iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili kollha jħaddnu t-tranżizzjoni tal-enerġija u jerfgħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż tat-teknoloġiji differenti, inklużi dawk li joħorġu mill-għażliet ta’ politika msejsa fuq ir-riċerka li ssir. Id-djalogu għandu jseħħ fil-livelli kollha ta’ governanza. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-livell Ewropew enfasizza b’mod ripetut il-miri Ewropej ta’ tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra, filwaqt li l-implimentazzjoni tal-politika f’dan il-qasam taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri. Din is-sitwazzjoni fissret li l-politiki nazzjonali differenti mhumiex koerenti.

1.12.

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li tkompli tiġi segwita l-integrazzjoni tas-suq intern billi jiġi żviluppat approċċ Ewropew lejn il-provvista tal-enerġija, bil-għan li tiġi stabbilita solidarjetà reali. Pass intermedju huwa li jitrawwem il-livell reġjonali meħtieġ biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni f’dan il-qasam u li jrid ikun flessibbli u kapaċi jippromovi soluzzjonijiet innovattivi biex isir l-aħjar użu mill-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli koordinati f’ħin reali.

1.13.

Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jittieħdu miżuri li jintegraw il-modi differenti ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija, inklużi dawk li jinħolqu mir-riċerka teknoloġika, fis-swieq tal-enerġija, notevolment fir-rigward ta’ konnessjoni mal-grilja, l-ibbilanċjar u l-imposti.

1.14.

Il-KESE jirrakkomanda li jiżdiedu l-investimenti u r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-ħżin, sabiex jitjiebu s-sinerġiji Ewropej f’dan il-qasam, b’mod li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-transizzjoni tal-enerġija, tiġi garantita s-sigurtà tal-provvista, permezz tal-interkonnessjoni tal-grilji Ewropej tal-enerġija, biex jiġi żgurat li l-ekonomija Ewropea ssir aktar kompetittiva.

1.15.

F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar fl-importanza tal-gass fit-taħlita tal-enerġija tal-Ewropa, u l-importanza li għandu għas-sigurtà tal-enerġija għaċ-ċittadini. Il-KESE jappella biex jiġi mħeġġeġ il-ħżin, sabiex l-Istati Membri jkollhom riżervi komuni. Huwa daqstant meħtieġ li jiġi sfruttat il-potenzjal kbir biex titjieb l-effiċjenza enerġetika fil-bini iżda wkoll fit-trasport.

1.16.

Il-KESE jemmen li l-konsolidazzjoni tal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tista’ tiġġenera tkabbir ekonomiku u toħloq impjiegi ġodda fl-UE. Sistema ġdida ta’ governanza tal-enerġija, ibbażata fuq il-pjani nazzjonali, tista’ tiżgura l-konsistenza fis-suq tal-enerġija, u f’dan ir-rigward id-djalogu Ewropew huwa prerekwiżit assolut.

1.17.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-valur miżjud tal-Pjan SET se jwassal għal koordinazzjoni aħjar u governanza ġdida tas-sistema Ewropea tal-enerġija, jekk jevita d-duplikazzjoni u jkun ibbażat fuq data reali u trasparenti. Għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-punti fundamentali Ewropej, jiġifieri l-metodu Komunitarju, id-demokrazija Ewropea fl-azzjoni, il-kompetizzjoni, il-kooperazzjoni u s-solidarjetà kif ukoll ir-rwol tal-Ewropa fil-governanza globali.

1.18.

Il-KESE jenfasizza l-konsegwenzi tal-Pjan SET f’termini tal-impatt tiegħu fuq iċ-ċittadini, partikolarment fir-rigward tal-impjiegi u l-ħiliet meħtieġa. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li titqies il-kwistjoni tad-drittijiet tal-awtur.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1.

Ir-riżorsi u l-infrastruttura tal-enerġija jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor tal-UE; madankollu, l-għan komuni huwa li s-settur tal-enerġija jiġi dekarbonizzat. Id-diskussjonijiet fil-kuntest tat-transizzjoni enerġetika għandhom jindirizzaw l-iżjed dawn il-kwistjonijiet: l-atturi ġodda u l-mudelli kummerċjali ġodda fis-setturi taż-żejt, il-gass u l-elettriku, id-dinamika tal-ambjent politiku u l-implikazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-investiment, ir-regolamentazzjoni tas-swieq tal-enerġija, l-impatt tal-innovazzjoni teknoloġika fuq is-sistemi enerġetiċi, it-tneħħija ta’ riżervi tal-enerġija qodma tradizzjonali, il-problemi li jinħolqu minn mudell ġdid ta’ governanza fis-settur tal-enerġija u l-prospettivi li dan jiftaħ.

2.2.

Din hi sfida ta’ urġenza kbira. L-UE għaddejja minn trasformazzjonijiet enormi fil-qasam tal-enerġija; l-ekonomija Ewropea u l-konsumaturi vulnerabbli qed jiffaċċjaw kemm riskju dejjem jikber ta’ provvista mhux ta’ min joqgħod fuqha kif ukoll prezzijiet għoljin tal-enerġija.

2.3.

Il-KESE għandu l-ħsieb jappoġġja appoġġ ta’ politika komuni Ewropea dwar l-enerġija li tkun kapaċi tassigura s-sigurtà tal-provvista, li jkun pijunier teknoloġiku fl-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija rinnovabbli u li jagħti garanziji fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika, it-tnaqqis fil-konsum u l-iżvilupp tal-infrastruttura, bi spejjeż konvertiti b’mod preċiż fi prezzijiet tal-konsumatur aħħari, u fl-aħħar, iżjed importanti minnhekk, li jitqiesu l-ispejjeż globali tat-taħlita tal-enerġija u d-disponibbiltà tal-finanzjament, privat jew pubbliku, neċessarju sabiex jiġu koperti dawn l-ispejjeż.

2.4.

Il-KESE qed jipprevedi f’dan ir-rigward li r-riżorsi finanzjarji jiġu pprovduti mill–BEI, mill-programm tan-netwerks trans-Ewropej tal-enerġija, mill-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, mill-Fond Ewropew tal-2020 għall-Enerġija, it-Tibdil fil-Klima u l-Infrastruttura (jew il-Fond Marguerite), u mill-istrumenti ta’ qabel l-adeżjoni, mill-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija, u mill-programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku.

2.5.

Il-pjan SET huwa għodda essenzjali u ambizzjuża biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija. Ikun posssibbli li dan l-għan mixtieq jintlaħaq billi jinbeda dibattitu wiesa’ maċ-ċittadini Ewropej, u l-KESE jista’ jaġixxi bħala katalist f’dan id-djalogu. Il-KESE jemmen li biex jiġu solvuti problemi tat-transizzjoni tal-enerġija hija essenzjali l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini – ara l-proposta tal-KESE dwar il-karta Ewropea dwar l-iffrankar tal-enerġija – b’mod speċifiku, dan jista’ jinvolvi forum tas-soċjetà ċivili (organizzata) Ewropea, bir-rwol li jippromovi djalogu tal-enerġija Ewropew.

2.6.

Il-KESE jemmen li, fi kwistjonijiet li jirrigwardaw it-transizzjoni tal-enerġija, għandhom jitqiesu u jiġu evalwati l-kompetittività, l-implikazzjonijiet għall-impjiegi u s-sigurtà soċjali. Is-swieq reġjonali jistgħu jegħlbu l-isfiduċja: fl-assenza tal-fiduċja u l-edukazzjoni fil-qasam, huwa impossibbli li jiġu implimentati politiki tal-enerġija konkreti.

2.7.

Il-KESE jaħseb li l-finanzjament tal-Pjan SET mill-baġits għar-riċerka u l-iżvilupp tal-Kummissjoni u l-Istati Membri mhuwiex biżżejjed. Dan ifisser li huwa dejjem iktar importanti li jsir użu mill-Fondi Strutturali tal-UE, il-Fond Ewropew tal-Investiment u d-dħul mill-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Il-potenzjal ta’ investiment tal-ekonomija tas-suq għandu jiġi mmirat b’mod speċifiku, permezz ta’ skemi innovattivi u inċentivi. Is-suċċess jista’ jkun żgurat biss permezz tat-testjar u l-applikazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ għażliet u ideat finanzjarji u ekonomiċi innovattivi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jqis li l-Unjoni tal-Enerġija tfisser li l-enerġija ssir aktar sikura, sostenibbli u bi prezz raġonevoli għall-konsumtur aħħari. Dan ser jippermetti ċirkolazzjoni ħielsa tal-flussi tal-enerġija bejn il-fruntieri u jiggarantixxi provvista sikura f’kull pajjiż tal-UE, għal kull ċittadin Ewropew.

3.2.

Biex jintlaħqu dawn l-ambizzjonijiet tal-Pjan SET, il-KESE jaħseb li l-UE trid tkun innovattiva f’termini ta’ kif l-enerġija tiġi prodotta u trasportata, kif inhi fornita u kif jingħata s-servizz lill-klijent. Il-konsumaturi se jkunu fiċ-ċentru tal-attenzjoni u f’suq kompetittiv ħafna għandhom jibbenefikaw minn appoġġ wiesa’ u għarfien espert tekniku konsiderevoli.

3.3.

Il-KESE jaħseb li t-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet ġodda se jkollhom rwol essenzjali fit-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE u t-trasformazzjoni fil-katina tal-valur tal-enerġija għal aktar flessibbiltà, li jagħti rwol attiv lill-konsumaturi (“prosumaturi”), inklużi l-produtturi ż-żgħar, kif ukoll netwerks ġodda ta’ produtturi, operaturi u regolaturi tal-enerġija kapaċi jinteraġixxu f’suq kumpless. Il-produtturi ż-żgħar jista’ jkollhom sehem fl-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija.

3.4.

Ideat u teknoloġiji ġodda jridu jittrasferixxu minn settur għal ieħor, b’tali mod li huwa possibbli li tintlaħaq il-massa kritika meħtieġa biex jimpenjaw ruħhom f’metodi kollettivi għar-riċerka u l-innovazzjoni, billi jingħelbu l-ostakli bejn il-proċessi u bejn l-oqsma ta’ attività.

3.5.

Il-KESE jemmen li l-progress teknoloġiku ġenerali fl-Istati Membri tal-UE se jipprovdi l-bażi meħtieġa għall-mudelli ġodda ta’ negozju, l-iskemi innovattivi li jiggarantixxu l-ħlas ġust tas-servizzi, u l-funzjonament adegwat tas-sistema tal-enerġija. Għarfien iktar fil-fond tal-imġiba tal-konsumaturi se jkun possibbli permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni b’mod trasparenti, sikur u faċli għall-utent.

3.6.

Il-KESE jemmen li l-istabbiltà ekonomika tiddependi fuq ir-reżiljenza tas-sistemi tal-enerġija, kif definiti fil-Pjan SET, li għandhom ikunu preparati għal livelli sinifikanti ta’ tibdil kif imfissra fil-Pjan SET. Is-sigurtà tal-provvista u l-kwalità għolja ta’ servizzi għall-klijenti fl-Istati Membri għandhom ikunu appoġġati mill-iżvilupp ta’ netwerks tal-enerġija tal-UE aktar intelliġenti u aktar integrati.

3.7.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-ottimizzazzjoni tal-katina tal-valur għandha tiġġenera mudelli ekonomiċi ġodda (l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, l-ipproċessar mill-ġdid). Huwa meħtieġ li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni fis-suq ta’ prattiki u kanali effiċjenti tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji li jiffrankaw l-enerġija, bil-għan li jitjieb il-proċess ta’ integrazzjoni sabiex tiġi żgurata l-effikaċja globali tas-sistema.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jemmen li l-għanijiet tal-pjan huma definiti sew. Huwa jikkondividi l-viżjoni tal-Kummissjoni li l-pjan SET ikun aktar adatt biex jiffaċċja sfidi ġodda, ikun aktar iffukat, jadotta approċċ integrat u li jġedded il-metodu ta’ ġestjoni u l-governanza. Il-bidliet previsti sabiex jinkisbu dawn l-objettivi għandhom ikunu mfassla tajjeb u jkunu realistiċi.

4.2.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-pjan SET, sabiex ir-riċerka u l-innovazzjoni jiġu żviluppati u jilħqu mar-rekwiżiti l-ġodda għar-rilaxx tal-kapaċitajiet addizzjonali u tar-riżorsi supplimentari madwar l-UE kollha. Il-KESE jaqbel mal-analiżi li tgħid li biex jiġu massimizzati l-effiċjenza u l-impatt tal-pjan SET, b’mod partikolari, huwa neċessarju li:

jiżdied l-impenn finanzjarju tal-Istati Membri u s-settur privat; u

tiżdied il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati tul il-katina kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni.

4.3.

Il-KESE jemmen li hemm interess leġittimu li jiġu segwiti l-għaxar azzjonijiet li huma definiti prinċipalment fuq il-bażi tal-partijiet interessati u huma maħsuba biex jaċċelleraw it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija, joħolqu aktar impjiegi u jiġġeneraw it-tkabbir.

4.4.

L-UE għandha tintensifika azzjonijietha biex tintroduċi fis-suq teknoloġiji ġodda tal-enerġija li jipproduċu livelli għolja ta’ rendiment, għandhom livell baxx ta’ spejjeż, jipproduċu ftit diossidu tal-karbonju u huma sostenibbli, wara li tkun twettqet analiżi trasparenti tal-impatt ambjentali tagħhom.

4.5.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp taħt il-pjan SET għandhom jiffokaw fuq l-elementi speċifiċi li ġejjin, bħala pilastri tal-politika Ewropea dwar l-Enerġija:

il-kompettitività: l-infrastruttura u n-netwerks tal-enerġija, is-suq intern u l-kompetittività, ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-enerġija;

is-sigurtà tal-provvista: il-politika tal-enerġija esterna, iż-żejt, il-gass;

il-klima: l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS), l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (EU ETS).

4.6.

Għall-KESE, użu akbar ta’ teknoloġiji ta’ produzzjoni tal-enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli intermittenti jista’ jwassal għal żieda sinifikanti fl-ispejjeż fis-snin li ġejjin, li, jekk tgħaddi għand il-konsumaturi, tista’ twassal għal żieda sinifikanti fil-prezzijiet, sakemm dawn is-sistemi jimxu għall-istadju li jiġu manifatturati f’livell industrijali. Għandu jiġi nnutat ukoll li l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u t-tmiem tas-sussidji għall-produzzjoni tal-enerġija minn fjuwils fossili inevitabbilment iwasslu għal żieda fl-ispejjeż, għal żmien twil u żidiet akbar.

4.7.

Fil-fehma tal-KESE, fil-qasam tal-kompetittività industrijali, it-teknoloġiji tal-enerġija u l-politika tal-innovazzjoni, għandhom jinkisbu malajr riżultati li jnaqqsu l-ispejjeż billi jitħaffef id-dħul fis-suq ta’ teknoloġiji sostennibbli: jekk dan ma jsirx ikun hemm konsegwenzi diretti għall-investiment privat u l-baġit nazzjonali, u jwassal għal sitwazzjoni ta’ riċessjoni ekonomika.

4.8.

Sabiex jiġi assigurat bilanċ bejn il-provvista, it-trasformazzjoni, it-trasport u l-użu aħħari tal-enerġija, se jkun meħtieġ li tiġi ottimizzata s-sistema, jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda kif stabbiliti fil-pjan SET, tiġi żgurata interazzjoni effettiva tal-atturi u l-komponenti differenti, billi jiġu previsti approċċ komprensiv u sinerġiji possibbli bejn in-netwerks tal-enerġija (elettriku, żejt, gass, tisħin u mobbiltà), bil-ħsieb li jinkiseb is-suq intern tal-enerġija.

4.9.

Il-flessibbiltà tas-sistema se teħtieġ firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin tal-enerġija oħra adattati għal varjetà ta’ firxiet ta’ enerġija. F’dan il-qasam hemm potenzjal għal aktar żviluppi. L-iżvilupp tal-ħżin se jkun essenzjali għal sistema bbilanċjata tal-enerġija, li tippermetti ġestjoni attiva tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, sehem akbar tagħhom u tnaqqis tar-restrizzjonijiet sabiex l-investimenti fl-infrastruttura jiġu minimizzati u bbilanċjati, biex b’hekk tiżdied il-flessibilità tas-sistema tal-enerġija.

4.10.

Għodod ta’ ġestjoni innovattivi, ikkombinati flimkien fil-livell tal-utent aħħari ma’ kapaċitajiet ġodda ta’ ħżin tal-elettriku, fissi jew mobbli, se jipprovdu aktar alternattivi sabiex jiġi ottimizzat il-konsum tal-utenti flimkien ma’ spejjeż aktar baxxi f’suq tal-enerġija flessibbli. L-idroġenu jista’ jipprovdi soluzzjoni għal ħżin versatili ħafna sabiex tiġi sostnuta l-ġenerazzjoni tal-elettriku deċentralizzata u biex isir kumpens għall-varjabbiltà tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

4.11.

Azzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni għandu jkollhom l-għan li jimmudellaw, ikejlu u jikkontrollaw l-operazzjoni u ż-żamma ta’ sistemi deċentralizzati ta’ tisħin u tkessiħ b’emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, jaċċelleraw il-penetrazzjoni tas-suq ta’ prodotti u sistemi tal-enerġija ġodda u effiċjenti kif ukoll jottimizzaw it-tliet pilastri tal-effiċjenza enerġetika, jiġifieri l-kejl tal-konsum tal-enerġija, l-ottimizzazzjoni tal-konsum u l-prestazzjoni sostenibbli, sabiex jinkisbu riżultati sostenibbli.

4.12.

Ir-rwol tal-bliet se jkun aktar importanti fid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE peress li l-urbanizzazzjoni se tkompli tiżdied fl-UE. Sabiex jiġu indirizzati b’mod integrat l-isfidi komuni u titjieb is-sostenibbiltà, huwa neċessarju li jiġu mrawma diversi partijiet interessati fil-livelli lokali u jitlaqqgħu flimkien l-awtoritajiet lokali, is-settur ekonomiku u ċ-ċittadini.

4.13.

Fil-fehma tal-KESE, l-isfida tar-riċiklaġġ tal-batteriji “lithium-ion” hija prinċipalment ekonomika, billi l-proċessi ġew żviluppati b’mod li jippermettu r-riċiklaġġ b’sistema magħluqa, iżda hemm lok biex dawn il-proċessi jiġu adattati għall-batteriji ta’ vetturi elettriċi.

4.14.

Fil-fehma tal-KESE, l-industrija tal-batteriji Ewropea teħtieġ li tadatta għall-industrija tar-riċiklaġġ u tassorbi l-iżvilupp sinifikanti tas-suq tal-mobilità elettronika u s-suq li qed jikber ta’ tagħmir mobbli. L-industrija tistrieħ fuq ir-rieda tal-UE biex tadotta t-teknoloġija Ewropea tal-batteriji.

4.15.

Sabiex titjieb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE, portafoll ta’ teknoloġiji sostenibbli għandu jkun imħallat (bijokarburanti avvanzati, l-idroġenu u fjuwils likwidi u gassużi alternattivi, inkluż il-gass naturali likwifikat (LNG)).

4.16.

Il-KESE jenfasizza li l-UE hija l-bażi tal-attivitajiet ta’ intrapriżi li huma fuq quddiem fid-dinja fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju, inkluża l-fissjoni nukleari. Il-provvista tal-enerġija tal-UE trid tkun kompetittiva u l-investimenti tagħha fir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jinkludu l-katina kollha tal-provvista tat-teknoloġija, mill-materjali għall-manifattura.

4.17.

Minkejja ż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-fjuwils fossili għadhom jintużaw b’mod estensiv madwar id-dinja għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (faħam). Minkejja effiċjenza baxxa, il-faħam ser jibqa’ jintuża fl-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija tal-UE. Dan jesiġi l-użu ta’ teknoloġiji tal-faħam aktar effiċjenti.

4.18.

Il-KESE josserva li l-UE tinsab maqsuma dwar l-enerġija nukleari. F’dak li għandu x’jaqsam mal-enerġija nukleari, il-politika tal-UE hija ‘l bogħod ħafna milli tkun unifikata. Ir-reatturi avvanzati ġodda li qed jinbnew jistgħu jwasslu għal rinaxximent nukleari, b’tali mod li jidher li r-revitalizzazzjoni nukleari hija fatt minkejja eżitazzjoni qasira. Iż-żmien biss se jurina jekk l-UE tistax tnaqqas jew le s-sehem tal-enerġija nukleari fit-taħlita enerġetika, iżda għalissa rridu nsegwu l-istess triq. Għal deċiżjonijiet futuri ta’ politika dwar l-enerġija nukleari jkunu utli opinjonijiet dwar l-ispejjeż tal-operat u tal-konformità tal-eqdem sistemi.

Brussell, is-17 ta’ Frar 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


14.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Istrateġija tal-UE dwar it-Tkabbir”

[COM(2015) 611 final]

(2016/C 133/07)

Relatur:

is-Sur Ionuţ SIBIAN

Nhar il-10 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“L-Istrateġija tal-UE dwar it-Tkabbir”

[COM(2015) 611 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ Jannar 2016.

Matul il-514-il sessjoni plenarja tiegħu, li saret fis-17 u t-18 ta’ Frar 2016 (seduta tat-18 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’170 vot favur, 14-il vot kontra, u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja l-enfasi partikolari li għamlet il-Kummissjoni fuq il-prinċipji fundamentali fil-proċess ta’ adeżjoni, bil-ħtieġa għal pajjiżi tat-tkabbir biex jagħtu prijorità lir-riformi fl-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi (inkluż ir-riforma fis-sistema tal-elezzjonijiet u fl-amministrazzjoni pubblika), l-iżvilupp ekonomiku u t-tisħiħ tal-kompetittività. Fis-sorveljanza tal-progress, għandha tingħata attenzjoni speċjali għat-twissija tas-soċjetà ċivili kontra azzjonijiet politiċi u żviluppi li jaffettwaw b’mod negattiv l-istat tad-dritt u l-istandards demokratiċi.

1.2.

Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwi lill-Kummissjoni biex iżżomm il-kwalità tad-demokrazija parteċipattiva bħala wieħed mill-kriterji politiċi ewlenin li għandhom jiġu vvalutati. Għandha tittieħed ukoll azzjoni deċiżiva biex tiġi żgurata ħidma sistemika biex jinbnew istituzzjonijiet effettivi u operattivi għal kollox b’parteċipazzjoni sinifikanti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ). Dan ser jgħin fil-ġlieda kontra r-riskju ta’ manipulazzjoni tal-Istat minħabba interessi politiċi, għarfien dejjem akbar dwar ir-responsabbiltà tal-partijiet interessati kollha involuti u jiżgura l-inklużività u t-trasparenza fil-proċessi kollha ta’ riforma u negozjati.

1.3.

L-iskali ta’ valutazzjoni armonizzata użati fir-rapportar u l-enfasi li titpoġġa kemm fuq l-istat tal-ħidma kif ukoll fuq il-progress irreġistrat minn kull pajjiż itejbu t-trasparenza, jippermettu fokus immirat fuq l-oqsma ta’ prijorità u għandhom ikunu ta’ benefiċċju biex jiżdied l-għarfien tal-proċess ta’ adeżjoni. Dawn jistabbilixxu wkoll il-kundizzjonijiet għal involviment ikbar ma’ kull pajjiż, minħabba l-medda usa’ ta’ kwistjonijiet soġġetti għal skrutinju. Ir-riskju assoċjat mad-devjazzjoni tal-attenzjoni minn kwistjonijiet speċifiċi li jiffaċċjaw il-pajjiżi għandu jiġi vvalutat u miġġieled. Il-konsistenza, ir-regolarità u l-ilħiq tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni kontinwi fost l-istituzzjonijiet tal-UE u l-pajjiżi tat-tkabbir huma essenzjali f’dan ir-rigward.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-messaġġ ċar tal-Kummissjoni li soċjetà ċivili mogħtija s-setgħa hija komponent kruċjali ta’ kwalunkwe sistema demokratika u jirrikonoxxi l-appoġġ politiku tagħha għall-ħolqien ta’ ambjent ħafna aktar ta’ sostenn u ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili, li jinkludi proċess ta’ konsultazzjoni ta’ siwi mas-soċjetà ċivili waqt it-tfassil tal-politika. Dan huwa komponent ewlieni biex jiġu ssodisfati b’mod sodisfaċenti l-kriterji politiċi, u jista’ jirrappreżenta wkoll punt ta’ riferiment possibbli fin-negozjati ta’ adeżjoni.

1.5.

Il-KESE japprezza li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandhom jintensifikaw l-isforzi ta’ komunikazzjoni tagħhom biex jispjegaw il-benefiċċji u l-isfidi tal-politika tat-tkabbir liċ-ċittadini Ewropew, u l-imsieħba soċjali u l-orgazzizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu msieħeb mill-qrib u jwasslu l-messaġġi f’dan il-proċess.

1.6.

Il-KESE jtenni l-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza u l-inklużività tal-proċess ta’ adeżjoni kollu (1). Il-Kummissjoni għandha tkun ta’ eżempju billi tiffaċilita l-aċċess ulterjuri għad-dokumenti ta’ negozjati, bħal rapporti tal-missjoni, opinjonijiet tal-esperti dwar il-leġislazzjoni nazzjonali, rapporti tat-TAIEX (Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni), u pubbliċità dwar il-kisbiet u r-riżultati tal-proġetti ffinanzjati mill-UE fir-reġjun. Dan ser jipprovdi mezz biex jiżdied l-għarfien dwar l-effetti tal-assistenza tal-UE u biex isir żvilupp fuq l-esperjenzi diġà miksuba fir-reġjun.

1.7.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi għal żieda sostanzjali fl-appoġġ finanzjarju, inkluż minn proġetti taħt il-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili, li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (inkluż l-iżvilupp tal-għarfien espert dwar il-politiki u l-appoġġ biex tiżdied il-kapaċità ta’ monitoraġġ) u l-promozzjoni tal-professjonaliżmu u l-indipendenza tal-midja. Il-kooperazzjoni u n-netwerking reġjonali għandhom jiġu appoġġjati aktar, filwaqt li jiġu sfruttati l-esperjenzi tajba li diġà jeżistu fir-reġjun, inkuż l-istrumenti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u l-ħidma konġunta fost l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u l-imsieħba soċjali (inkluż l-organizzazzjonijiet tan-negozju), bid-djalogu ċiviku u l-perspettiva ta’ tagħlim bħala bażi komuni.

1.8.

It-tisħiħ tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali biex jipparteċipaw b’mod attiv fid-djalogu soċjali għandu jsir prijorità tal-programmi ta’ għajnuna tal-UE. L-assistenza hija meħtieġa biex tiffaċilita l-aċċess tagħhom għal opportunitajiet ta’ finanzjament u biex jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u legali kollha, inkluż fin-negozjati ta’ adeżjoni mal-UE. L-istrutturi organizzattivi, il-komunikazzjoni interna u l-kapaċità tagħhom li jservu lill-membri għandhom jissaħħu.

1.9.

Il-KESE jappella għat-tisħiħ tar-rwol tal-Kumitati Konsultattivi Konġunti tas-soċjetà ċivili. Il-Kumitati Konsultattivi Konġunti għandhom jipprovaw jimlew in-“niċeċ vojta” li mhumiex koperti minn korpi oħrajn fil-proċess ta’ negozjati u jiffukaw fuq numru ta’ oqsma magħżula. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob għal skambju aħjar ta’ informazzjoni bejn il-Kumitati Konsultattivi Konġunti u l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

1.10.

Il-KESE jitlob lill-gvernijiet fir-reġjun biex jappoġġjaw l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħrajn fuq l-istess livell u jinvolvuhom mill-qrib fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom, il-politiki għall-istrutturi ta’ adeżjoni u negozjati mal-UE, u l-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-UE. Fit-tħejjija tal-pożizzjonijiet tan-negozjati nazzjonali u fl-armonizzazzjoni legali għandhom jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt regolatorju (RIAs) sabiex jiġu identifikati r-riskji fl-aġġustament. L-involviment ta’ atturi mhux statali, inkluż il-komunità tan-negozju, it-trejdjunjins u r-rappreżentanti tal-gruppi soċjali kkonċernati huwa essenzjali.

1.11.

Il-pajjiżi kollha fir-reġjun għandhom jistabbilixxu kunsilli nazzjonali għall-integrazzjoni Ewropea li jlaqqgħu flimkien l-awtoritajiet politiċi ta’ livell għoli u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ewlenin fuq bażi regolari bil-għan li jagħmlu l-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE aktar trasparenti u jippubliċizzawh b’mod aktar mifrux.

1.12.

Il-passi pożittivi rreġistrati f’xi pajjiżi fir-rigward tal-qafas u l-mekkaniżmi ta’ djaloġu u kooperazzjoni bejn il-gvern u l-OSĊ mhumiex suffiċjenti. L-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet leġislattivi, it-trasparenza u l-konsistenza tal-proċessi ta’ konsultazzjoni għandhom jiġu rikonoxxuti bħala prijoritajiet mill-gvernijiet nazzjonali u l-progress għandu jiġi ssorveljat kif xieraq.

1.13.

Il-KESE jitlob lill-awtoritajiet politiċi biex jaħdmu id f’d mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jintroduċu riformi u leġislazzjoni ta’ implimentazzjoni dwar kwistjonijiet ewlenin bħall-indirizzar ta’ każijiet ta’ korruzzjoni f’livell għoli, superviżjoni aħjar tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku u t-titjib tal-qafas legali għall-finanzjament tal-partiti politiċi. Barra minn hekk, isejjaħ lill-pajjiżi tar-reġjun biex itejbu r-regoli dwar il-libertà ta’ aċċess għall-informazzjoni u l-implimentazzjoni prattika tagħhom, biex jadottaw u jimplimentaw liġijiet dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta u jagħmlu s-sistema tal-protezzjoni tal-informatur aktar effettiva fil-prattika. L-għarfien tal-pubbliku dwar il-possibbiltajiet għar-rapportar tal-korruzzjoni għandu jiżdied, u l-OSĊ jistgħu jkunu msieħeb affidabbli f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, hemm bżonn li, flimkien mal-partijiet interessati, jiġi stabbilit id-djalogu soċjali tripartitiku għas-segwitu tal-ftehimiet li jiġu konklużi.

1.14.

L-awtoritajiet politiċi fil-pajjiżi tar-reġjun għandhom jippromovu u jappoġġjaw l-operat ta’ istituzzjonijiet regolatorji b’saħħithom u indipendenti partikolarment tal-ombudsman u fuq il-mudell tal-Albanija u s-Serbja, kif ukoll fl-oqsma tal-aċċess għall-informazzjoni, il-protezzjoni tal-privatezza, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-awditjar u l-elezzjonijiet. Iil-KESE jenfasizza li l-ombudsmen jistgħu jagħtu kontribut deċiżiv, billi jikkumplementaw il-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fil-protezzjoni tal-minoranzi.

1.15.

Fid-dawl tal-livell għoli ħafna ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent, il-KESE jirrakkomanda l-estensjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE għall-istati ta’ adeżjoni f’dan ir-reġjun. Din il-“Garanzija għaż-Żgħażagħ” għandha tiġi ffinanzjata mill-fondi rilevanti tal-UE. Għandha tiġi stabbilita edukazzjoni doppja b’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali, inkluż il-kmamar tal-kummerċ u l-industrija u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi oħra.

1.16.

Filwaqt li l-UE qiegħda tistenna rwol akbar min-naħa tal-gvernijiet fid-distribuzzjoni tal-fondi tal-UE, il-finanzjament għas-soċjetà ċivili ma għandux jitwassal prinċipalment permezz tal-gvernijiet peress li dan jista’ joħloq sitwazzjoni fejn ikun hemm kunflitt ta’ interess. L-UE għandha tappoġġja l-ħolqien ta’ sistemi ta’ finanzjament aktar indipendenti. Il-mudelli ta’ fondazzjonijiet/fondi indipendenti għall-appoġġ tas-soċjetà ċivili jistgħu jkunu mekkaniżmu aktar adatt għat-tqassim tal-fondi tal-UE. Ir-rekwiżiti fundamentali li għandhom jiġu osservati mill-qrib jinkludu: it-trasparenza fl-allokazzjoni u l-użu tal-fondi, it-trattament indaqs u l-evitar tal-kunflitti ta’ interessi u/jew l-interferenza politika fl-allokazzjoni ta’ kwalunkwe finanzjament pubbliku.

1.17.

Il-bini tal-kapaċità nazzjonali tal-OSĊ (fil-forma ta’ ċentri ta’ riżorsi, l-appoġġ għall-koalizzjonijiet, il-programmi ta’ żvilupp tal-għarfien espert, eċċ), it-twessigħ tal-kopertura tal-assistenza (b’mod partikolari barra mill-bliet kapitali u l-ilħiq ta’ organizzazzjonijiet lokali) u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-OSĊ, skont l-esperjenza tal-KESE, għandhom jibqgħu prijoritajiet ta’ finanzjament tal-Kummissjoni u fil-livell nazzjonali.

2.   Il-valutazzjoni globali tal-Aġenda dwar it-Tkabbir u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

2.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-politika tal-UE dwar it-tkabbir għandha rwol ewlieni fl-iżgurar tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbilta fl-Ewropa. L-Aġenda dwar it-Tkabbir tal-2015 tistabbilixxi għall-ewwel darba perspettiva għal perjodu medju għall-politika. Minkejja l-messaġġ ċar imwassal li l-ebda wieħed mill-pajjiżi tat-tkabbir mhu ser ikun lest biex jissieħeb fl-UE matul il-mandat tal-Kummissjoni attwali, huwa kruċjali għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex iżommu perspettiva ċara ta’ sħubija fl-UE, u biex il-progress u l-isforzi tagħhom jitkejlu, jiġu ssorveljati u assistiti, abbażi ta’ punti ta’ riferiment ċari li jħarsu ‘l quddiem dwar fejn il-pajjiżi jixtiequ u jeħtieġu li jilħqu.

2.2.

L-inklużjoni tas-soċjetà ċivili f’sezzjoni separata fi ħdan il-kriterji politiċi tar-rapporti tal-pajjiżi u, sa ċertu punt, is-semplifikazzjoni ulterjuri tar-rwol tas-soċjetà ċivili fil-kapitoli tan-negozjati tirrappreżenta pass pożittiv. Fil-monitoraġġ tal-progress u l-valutazzjoni tal-istat attwali ta’ ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni għandha ssegwi mill-qrib l-integrazzjoni tal-linji gwida tagħha għall-appoġġ tal-UE għas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tat-tkabbir. Il-linji gwida għandhom isiru wkoll referenza u gwida għall-pajjiżi ta’ adeżjoni stess.

2.3.

Il-KESE jtenni li d-djalogu soċjali huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku tal-Balkani tal-Punent u l-UE. L-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw l-imsieħba soċjali għandhom jiġu kkunsidrati b’mod aktar sistematiku u f’aktar dettall fil-valutazzjonijiet u r-rapporti tal-pajjiżi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni għall-impjieg u s-sigurtà soċjali.

2.4.

Il-KESE japprezza l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiffoka aktar fuq l-isfidi tal-impjieg u dawk soċjali fil-ħidma li jmiss dwar il-Programmi ta’ Riforma Ekonomija żviluppati mill-pajjiżi tat-tkabbir. L-OSĊ għandhom ikunu parti minn dan il-proċess, u l-opinjonijiet u l-għarfien espert tagħhom għandhom jitqiesu kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, u dan jevita sitwazzjonijiet fejn l-OSĊ huma sempliċement infurmati dwar l-istrateġiji jew il-pjanijiet ta’ azzjoni li diġà ttieħdet deċiżjoni dwarhom. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jintalbu jiżguraw involviment effettiv tal-OSĊ.

2.5.

L-impenn tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-adeżjoni jikkonsisti fi: (1) involviment dirett fin-negozjati nfushom (jiġifieri fl-iskrinjar, tħejjija tal-pożizzjonijiet nazzjonali, superviżjoni tal-progress), (2) djalogu soċjali u ċivili dwar it-tfassil tal-politika u l-armonizzazzjoni leġislattiva mal-acquis, (3) sehem fl-ipprogrammar tal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni, (4) monitoraġġ indipendenti tal-progress u l-effetti soċjali tal-proċessi ta’ riforma. Il-prestazzjoni ta’ dawn ir-rwoli titlob appoġġ finanzjarju adatt, permezz ta’ fondi mill-gvern nazzjonali u dawk ta’ qabel l-adeżjoni tal-UE.

2.6.

Iż-żieda fl-għarfien dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili u l-inklużjoni tal-imsieħba soċjali fil-proċess tal-adeżjoni kien missjoni u sfida għall-KESE. F’xi pajjiżi, il-gvernijiet kellhom attitudni negattiva lejn is-soċjetà ċivili u, b’riżultat ta’ dan, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt ftit li xejn sabu appoġġ. Madanakollu, il-Kumitat Konsultattiv Konġunti ħolqu opportunitajiet għal skambji diretti bejn is-soċjetà ċivili, l-UE u l-uffiċjali u l-politiċi nazzjonali, anke jekk ftit li xejn kellhom impatt fuq il-politiki tal-gvern. Jekk inżommu dan f’moħħna, il-Kumitat Konsultattiv Konġunti jibbenefikaw bil-bosta minn appoġġ aktar qawwi u kooperazzjoni eqreb mal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-PE, u b’hekk jiżguraw li t-tħassib prinċipali dwar ir-realtajiet nazzjonali tal-adeżjoni, li joħroġ mid-djalogu ċivili u soċjali fil-pajjiżi, ikun jista’ jingħata widen fl-oqsma rilevanti kollha tat-tfassil tal-politika.

2.7.

Kif iddikjarat mill-Kummissjoni, il-KESE jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali u li tingħata spinta lill-iżvilupp ekonomiku reġjonali u l-konnettività bħala element essenzjali tal-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-proċess tat-tkabbir. F’dan ir-rigward, kien hemm żvilupp pożittiv fil-kooperazzjoni reġjonali bejn l-OSĊ kummerċjali, bl-iffirmar tal-Ftehim dwar il-“Forum tal-Investiment tal-Kmamar” (CIF) (2). L-idea wara s-CIF hija li tiġi involuta l-komunità kummerċjali tar-reġjun, permezz tal-kmamar, fl-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ importanza għall-prosperità ekonomija tal-Balkani tal-Punent, f’konformità mal-prijoritajiet tal-Proċess ta’ Berlin.

2.8.

Il-KESE jqajjem tħassib serju minħabba rigress konsiderevoli f’diversi pajjiżi rigward il-libertà ta’ assoċjazzjoni, ta’ għaqda u ta’ espressjoni u ta’ indipendenza tal-midja (3) (il-Montenegro, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija b’mod partikolari iżda wkoll is-Serbja f’termini ta’ qafas regolatorju għal-libertà tal-għaqda). Dawn huma prerekwiżiti biex jiġu stabbiliti demokraziji robusti u biex jippermettu l-iżvilupp ta’ soċjetà ċivili vibranti. F’dan ir-rigward, l-implimentazzjoni sħiħa tal-Linji Gwida tad-DĠ Tkabbir għall-iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili fil-Pajjiżi tat-Tkabbir 2014-2020 u tal-Linji gwida tat-DĠ Tkabbir għall-Appoġġ tal-UE għal-Libertà u l-Integrità tal-Midja 2014-2020 hija appoġġjata ħafna. Madankollu waħda mill-isfidi li għad fadal hija kif jiġi żgurat li l-midja jilħqu lill-udjenzi bbażati fl-Ewropa, li wkoll jeħtieġu jiġu mgħarrfa sew dwar is-sinifikat u d-dinamiċi tal-politika tat-tkabbir.

2.9.

Ir-rwol tal-OSĊ fil-formulazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika u, inġenerali, fl-iżgurar ta’ demokrazija funzjonali huwa kruċjali. L-attakki tal-2015 fuq il-leġittimità u il-kontabbiltà tal-OSĊ (b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tas-superviżuri u organizzazzjonijiet ta’ ġurnalisti indipendenti li jimmonitorjaw mill-qrib proċessi politiċi kritiċi u jirrapportaw frodi fl-elezzjonijiet u l-korruzzjoni politika) li seħħew f’xi wħud mill-pajjiżi tat-tkabbir iqajmu tħassib serju. Għalhekk il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li tingħata spinta lill-komunikazzjoni u d-djalogu fil-proċessi kollha u b’mod partikolari biex jintlaħqu ċ-ċittadini kemm mill-pajjiżi tal-UE kif ukoll minn dawk tat-tkabbir.

2.10.

F’termini tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, hija meħtieġ aktar attenzjoni fuq il-kwistjoni tal-gruppi vulnerabbli u żvantaġġjati u l-minoranzi, b’mod partikolari r-Rom. Iridu jitwasslu riżultati ċari f’dan il-qasam, kif ukoll aktar progress fir-relazzjonijiet inter-etniċi u l-protezzjoni tal-minoranzi u d-drittijiet tagħhom (fl-edukazzjoni, l-aċċess għall-midja, l-użu tal-lingwi tal-minoranzi inkluż fl-amministrazzjoni pubblika, eċċ).

2.11.

Il-KESE, fl-opinjoni tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2015 (4) indirizza l-proposta tal-Kummissjoni għal lista komuni ta’ pajjiżi ta’ oriġini sikur u għadu jaderixxi mal-prinċipji espressi fiha. L-inklużjoni fil-lista ta’ pajjiżi ta’ oriġini sigur, għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa. Fid-dawl ta’ rapporti riċenti fil-midja dwar ripatrijazzjonijiet dubjużi f’żoni ta’ kriżi, it-trattament responsabbli tad-drittijiet tal-bniedem ta’ dawn ir-refuġjati huwa wkoll rilevanti għall-kwistjoni ta’ pajjiżi ta’ oriġini sigur.

2.12.

Il-politika tat-tkabbir trid twieġeb b’mod sħiħ għall-isfida li ċ-ċittadini Ewropew jiġu mgħarrfa dwar l-importanza kruċjali tagħha għas-sigurtà u l-prosperità tal-kontinent kollu, li tista’ tgħin biex jitbiegħdu l-biżgħat ta’ aktar tkabbir li jistgħu jinbtu flimkien ma’ forom oħra ta’ ksenofobija, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika u l-kriżi tar-refuġjati li għaddejja bħalissa.

2.13.

L-istituzzjonijiet tal-UE pprovdew diversi mezzi għall-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili biex tinġabar l-evidenza dwar il-progress tar-riformi marbutin mal-adeżjoni, inklużi l-korrispondenza onlajn, il-konsultazzjonijiet annwali tas-soċjetà ċivili fi Brussell, laqgħat fil-pajjiżi, laqgħat ta’ informazzjoni u avvenimenti pubbliċi matul żjarat minn uffiċjali tal-UE. Il-Kummissjoni kienet ukoll miftuħa għal rapporti ta’ monitoraġġ indipendenti mħejjija minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Madankollu, il-Kummissjoni kienet ħafna aktar proattiva mal-NGOs milli mat-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju. Għaldaqstant, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb l-approċċ tagħha u tieħu azzjoni ulterjuri, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni tal-KESE dwar “Intejbu t-trasparenza u l-inklużività tal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE” (REX/401).

2.14.

L-OSĊ kontinwament jiġġieldu biex jiżguraw is-sostenibbiltà finanzjarja tagħhom fil-Balkani tal-Punent. L-OSĊ għadhom jiddependu prinċpalment fuq l-introjtu mill-għotjiet barranin u l-baġits tal-Istat, inkluż id-dħul mil-lotteriji, filwaqt li sorsi alternattivi ta’ finanzjament rari jintużaw. L-appoġġ mill-Istat, kemm finanzjarju kif ukoll mhux finanzjarju, ħafna drabi jitqassam permezz ta’ mekkaniżmi mhux trasparenti u għadu mhux suffiċjenti. Għalhekk, hemm ħtieġa kontinwa għall-OSĊ biex jiddiversifikaw is-sorsi tagħhom ta’ finanzjament sabiex jiżguraw l-indipendenza u s-sostenibbiltà finanzjarja tagħhom. Id-dipendenza minn waħda jew żewġ riżorsi finanzjarja twassal biex l-OSĊ ikunu dipendenti żżejjed mid-disponibbiltà tal-fondi, u ma tagħtihomx biżżejjed sigurtà u awtonomija finanzjarja.

2.15.

Ir-rikonoxximent tal-valur ekonomiku tal-OSĊ fil-pajjiżi tat-tkabbir jitlob il-ġbir ta’ data sinifikanti u, aktar importanti minn hekk, azzjoni biex jiġu promossi u jitqajjem għarfien dwar ir-rwoli tagħhom. Id-data u l-istatistika uffiċjali dwar il-persuni impjegati u l-volontarjat fl-OSĊ fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jibqgħu limitati. Fil-liġi dwar ix-xogħol, l-OSĊ għadhom jiġu ttrattati b’mod ugwali għal impjegaturi oħra; madankollu, dawn mhumiex inklużi b’mod suffiċjenti f’dawk il-politiki tax-xogħol tal-Istat li joħolqu inċentivi għall-impjegaturi potenzjali. Dan it-trattament diskriminatorju tal-OSĊ huwa dovut għan-nuqqas ta’ rikonoxximent, min-naħa tal-Istat, tas-soċjetà ċivili bħala wieħed mis-setturi li jiġġenera l-impjiegi. L-isforzi reċenti min-naħa tal-OSĊ biex tinġabar data u jiġu vvalutati l-ostakoli speċifiċi f’kull pajjiż (5) għandhom jiġu kkunsidrati b’attenzjoni kemm mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll mill-Kummissjoni meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet fil-qasam tal-istatistika.

Brussell, it-18 ta’ Frar 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Rakkomandazzjonijiet iddettaljati huma inklużi fl-Opinjoni tal-KESE tal-2014 dwar “Intejbu t-trasparenza u l-inklużività tal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE” (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 39).

(2)  Il-Forum ta’ Investiment tal-Kmamar (CIF), bħala organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ tal-kmamar nazzjonali tal-Kummerċ u l-Industriji tal-pajjiżi fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, is-Slovenja u l-Kroazja, ġie stabbilit fil-marġini tal-Konferenza tal-Balkani tal-Punent organizzata fi Vjenna f’Awwissu 2015.

(3)  Balkan Civil Society Development Network, “Enabling Environment for Civil Society Development Progress Reports and Enlargement Strategy 2015 Background Analysis”, http://www.balkancsd.net/novo/wp-content/uploads/2015/11/202-1-BCSDN-2015-Enlargement-Package-Background-Analysis.pdf, Human Rights Watch “A Dangerous Profession: Media Under Threat”, il-15 ta’ Lulju 2015, https://www.hrw.org/node/279063, Reporters without Borders on Macedonia http://en.rsf.org/macedonia.html

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi lista komuni tal-UE ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, u li jemenda d-Direttiva 2013/32/UE, COM(2015) 452 final (ĠU C 71, 24.2.2016, p. 82).

(5)  L-istudju dwar l-Economic Value of the Non-Profit Sector in the Countries of the Western Balkans & Turkey (il-Valur Ekonomiku tas-Settur Mingħajr Skop ta’ Qligħ fil-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija), imħejji minn Dubravka Velat u ppubblikat f’Diċembru 2015 mill-Balkan Civil Society Development Network (BCSDN), huwa disponibbli minn: http://www.balkancsd.net/economic-value-of-the-non-profit-sector-in-the-western-balkans-and-turkey/63-12-report-on-the-economic-value-of-the-non-profit-sector-in-the-wbt_final/


14.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/37


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016”

[COM(2015) 690 final]

u “L-abbozz ta’ rapport konġunt dwar l-impjiegi li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016”

[COM(2015) 700 final]

(2016/C 133/08)

Relatur:

is-Sur Juan MENDOZA CASTRO

Nhar it-22 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016 u l-abbozz ta’ rapport konġunt dwar l-impjiegi li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016

[COM(2015) 690 final, COM(2015) 700 final].

Is-sottokumitat dwar L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016, stabbilit skont l-Artikolu 19 tar-Regoli ta’ Proċedura, li kien responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adotta l-abbozz ta’ opinjoni nhar it-12 ta’ Jannar 2016.

Matul il-514-il sessjoni plenarja, li saret fis-17 u t-18 ta’ Frar 2016 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’139 vot favur, 8 voti kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Jippersisti l-qgħad għoli. Seba’ snin wara li bdiet il-kriżi, il-Kumitat jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livell għoli ta’ qgħad, b’mod partikolari fil-każ ta’ ċerti Stati Membri. Huma għoljin ukoll ir-rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, ta’ żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni u l-impjieg (NEETs) u ta’ persuni bla impjieg għal tul ta’ żmien.

1.2.

Is-SAT 2016 jinkludi numru akbar ta’ analiżi, għanijiet u miri soċjali, iżda dan l-approċċ il-ġdid, biex ikun effettiv, m’għandux ikun ibbażat fuq l-affermazzjoni mill-ġdid tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika ta’ snin preċedenti. Minbarra l-ispinta għall-investiment privat, li għalih tagħmel referenza l-Kummissjoni, l-istaġnar tal-ekonomija u l-impjiegi jeħtieġu żieda fid-domanda nazzjonali u investiment pubbliku qawwi.

1.3.

Semestru Ewropew. Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni li jissaħħaħ il-monitoraġġ tal-objettivi tal-Ewropa 2020 kif ukoll id-diviżjoni f’fażi Ewropea u oħra nazzjonali għax din tippermetti li jiġu definiti sew ir-responsabbiltajiet biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti. Hija essenzjali wkoll koerenza akbar bejn il-politiki dwar il-governanza Ewropea u l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.4.

Is-Semestru Ewropew għandu jqis il-ksib tas-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) derivati mill-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli għall-2030 tan-Nazzjonijiet Uniti.

1.5.

L-ekonomija. L-Unjoni Ewropea għaddejja minn irkupru moderat, minkejja li qiegħda tibbenefika minn fatturi pożittivi temporanji. Is-surplus rekord tal-esportazzjonijiet fiż-żona tal-euro jirrifletti, fost aspetti oħra, l-effetti tad-deprezzament tal-euro. Min-naħa l-oħra, l-eċċess fit-tfaddil domestiku b’rabta mal-investimenti jirrifletti d-dubji li għadhom jeżitu dwar l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir.

1.6.

Fir-rigward tat-tnaqqis sostanzjali fl-investiment, l-ECOFIN indikat li hemm ħtieġa urġenti li tittejjeb il-klima tal-investiment biex jiġi appoġġjat l-irkupru ekonomiku u jissaħħu l-produttività u l-potenzjal għat-tkabbir. Il-KESE min-naħa tiegħu jqis li hemm bżonn li l-politika ta’ awsterità tiġi orjentata mill-ġdid u jiżdied l-impenn għall-politiki tat-tkabbir (1).

1.7.

In-numru kbir ta’ nies f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni jqajjem mistoqsijiet dwar il-konformità ma’ wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.8.

Fid-dawl tal-influss kbir ta’ refuġjati u dawk li jfittxu l-asil, il-KESE jipproponi miżuri bbażati fuq l-azzjoni konġunta u solidarja, ir-rispett tal-valuri u l-liġi internazzjonali, it-trattament indaqs u l-prijorità tal-ħajja dwar kwalunkwe approċċ ibbażat prinċipalment fuq il-politiki ta’ “sigurtà”. Barra minn hekk, jikkonferma li l-Ftehim ta’ Schengen huwa pilastru ewlieni fl-arkitettura tal-UE.

2.   Rakkomandazzjonijiet tal-KESE

2.1.

Is-SAT 2016 jenfasizza b’mod partikolari l-importanza tal-investiment fl-impjiegi u fil-politiki soċjali, kif kien ippropona l-KESE. Dan jeħtieġ li jiġi adottat approċċ ambizzjuż min-naħa tal-Kummissjoni.

2.2.

Is-SAT 2016 għandu jiffoka fuq it-tisħiħ tal-governanza biex il-politiki ewlenin Ewropej dwar l-integrazzjoni tas-swieq u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija jinkisbu b’mod effiċjenti u f’dan ir-rigward jiġi enfasizzat il-Pakkett dwar il-Governanza Ekonomika tal-UE. Min-naħa l-oħra, l-oqfsa effettivi ta’ governanza nazzjonali għandhom iżidu l-fiduċja, jerġgħu jġibu l-“ammortizzaturi fiskali” (fiscal buffers) meħtieġa u jevitaw il-politiki fiskali proċikliċi.

2.3.

Huwa essenzjali li jittejbu s-sinerġiji tal-istrateġiji tal-investiment u l-iżvilupp bejn l-ekonomiji nazzjonali u l-ekonomija Ewropea.

2.4.

Fil-kuntest tal-prijoritajiet politiċi, il-KESE jissuġġerixxi li l-isforz ikun iċċentrat b’mod partikolari f’żewġ oqsma: l-investiment u l-impjieg.

2.5.

L-istrumenti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa huma essenzjali biex tiġi indirizzata l-kriżi u nerġgħu lura għal triq ta’ tkabbir. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon li l-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa beda tajjeb u ssuġġerixxa f’dan ir-rigward li jiġi attirat numru akbar ta’ investituri istituzzjonali u li l-opportunitajiet ta’ finanzjament jiġu mifruxa aktar.

2.6.

Hemm bżonn ta’ “azzjoni immedjata” biex jiġi indirizzat il-qgħad fit-tul (50 % tat-total) u l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tippreżenta strateġija ġenerali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fid-dinja tax-xogħol.

2.7.

L-investiment sabiex titwettaq it-transizzjoni tal-enerġija (il-Ftehim ta’ Pariġi) għandu jinbidel f’sors ta’ ħolqien ta’ impjiegi u żvilupp ekonomiku.

2.8.

Il-KESE jappella għal aktar sforz ikkoordinat biex jiġu eliminati l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa.

2.9.

Il-KESE jappella għall-involviment sħiħ tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet rappreżentattivi oħra tas-soċjetà ċivili fil-politiki soċjali u fil-pjani nazzjonali ta’ riforma permezz pereżempju tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali u organizzazzjonijiet simili. Rigward il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu stabbiliti bordijiet nazzjonali ta’ kompetittività fiż-żona tal-euro, il-KESE ser jadotta opinjoni separata f’Marzu 2016. F’kull każ, għandhom ikunu kompletament kompatibbli man-negozjar kollettiv liberu u mal-mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni u djalogu bejn l-imsieħba soċjali li jeżistu f’kull Stat Membru..

2.10.

Il-leġittimità demokratika. Fil-konfront tal-iżbilanċ demokratiku, jeħtieġ li jiġu kkonsolidati l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali li huma l-bażi tal-Unjoni Ewropea u tissaħħaħ l-Ewropa soċjali li għandha l-għan li tiġġieled l-esklużjoni soċjali u żżomm is-solidarjetà.

3.   Introduzzjoni

3.1.

Skont is-SAT 2016:

l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea qed tesperjenza rkupru moderat, minkejja li qed tibbenefika minn fatturi pożittivi temporanji, inklużi l-prezzijiet baxxi taż-żejt, munita tal-euro relattivament dgħajfa u politiki monetarji akkomodanti;

għalhekk, il-politiki għandhom ikunu diretti lejn il-konsolidazzjoni tal-irkupru u t-trawwim tal-konverġenza lejn dawk li jiksbu l-aqwa riżultati;

ir-rittmu tal-attività huwa mistenni jaċċelera gradwalment;

il-prestazzjoni ekonomika u l-kundizzjonijiet soċjali, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-riformi, għadhom żbilanċjati madwar l-UE.

3.2.

Għandhom jinżammu l-prijoritajiet politiċi preċedenti li għandhom l-għan li joħolqu qafas ta’ bilanċ bejn il-bidliet strutturali, is-solidità tal-baġits pubbliċi u l-investiment. Is-SAT 2016 jippreżenta kunsiderazzjonijiet aktar speċifiċi marbuta mas-suq tax-xogħol, ix-xogħol mhux iddikjarat, l-integrazzjoni fix-xogħol, id-distakk bejn is-sessi u l-impjieg taż-żgħażagħ, fost affarijiet oħra.

3.3.

Qed tiġi mfittxija amministrazzjoni pubblika moderna u effiċjenti, li hija neċessarja sabiex jiġu żgurati servizzi rapidi u ta’ kwalità għolja għall-intrapriżi u għaċ-ċittadini.

3.4.

L-approċċ huwa dirett ukoll lejn it-titjib tal-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri bħala prerekwiżit għall-ħolqien ta’ ambjent li jiffavorixxi l-investiment u l-attività ekonomika.

3.5.

Bħala konklużjonijiet ewlenin, l-abbozz ta’ rapport konġunt dwar l-impjiegi jislet id-differenza kbira bejn l-Istati Membri u l-progress kajman wisq biex titjieb is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi. Konklużjonijiet oħrajn huma:

il-kontinwità fir-riformi tas-swieq tax-xogħol,

sistemi tat-taxxa aktar favorevoli għall-ħolqien tal-impjiegi,

l-investiment fil-kapital uman permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li jiffoka l-aktar fuq iż-żgħażagħ,

il-kontinwazzjoni tal-moderazzjoni tal-pagi, u

l-isforzi favur l-impjiegi għaż-żgħażagħ u b’rabta mal-livelli għoljin ta’ persuni barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ.

4.   Jippersisti l-qgħad għoli

4.1.

Seba’ snin wara li bdiet il-kriżi, il-KESE jtenni t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-impjiegi li b’mod partikolari tolqot xi Stati Membri fiż-żona tal-euro. Fl-UE, 22,5 miljun ruħ huma qiegħda (17,2 miljun fiż-żona tal-euro) u mhux mistenni titjib sinifikanti f’dan il-qasam fis-sentejn li ġejjin. Minbarra l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali, dan jingħaqad ma’ fatturi oħra li jikkontribwixxu għall-iskuntentizza taċ-ċittadini għall-proġett Ewropew.

4.2.

Is-SAT 2016 jinkludi numru akbar ta’ analiżi, għanijiet u miri soċjali. Sabiex dan l-approċċ il-ġdid ikun effettiv u ma jibqax sempliċi retorika, m’għandux ikun ibbażat fuq l-affermazzjoni mill-ġdid tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika ta’ snin preċedenti – essenzjalment riformi strutturali fis-suq tax-xogħol – mingħajr ma joffri spinta koordinata għat-tkabbir u l-impjiegi.

4.3.

Is-SAT 2016 jenfasizza b’mod partikolari l-importanza tal-investiment fl-impjiegi u fil-politiki soċjali, kif kien ippropona l-KESE. Dan jeħtieġ li jiġi adottat approċċ ambizzjuż min-naħa tal-Kummissjoni.

4.4.

Minbarra l-ispinta għall-investiment privat, li jikkostitwixxi l-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni, l-istaġnar tal-ekonomija u l-impjiegi jeħtieġu spinta ta’ investiment pubbliku qawwi.

5.   Is-Semestru Ewropew: tisħiħ tal-governanza

5.1.

Is-SAT 2016 għandu jiffoka fuq it-tisħiħ tal-governanza biex il-politiki ewlenin Ewropej dwar l-integrazzjoni tas-swieq u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija jinkisbu b’mod effiċjenti.

5.2.

Is-Semestru Ewropew għandu javvanza wkoll fl-iżvilupp tal-Pakkett ta’ Governanza Ekonomika, kif rivedut f’Ottubru 2015. Min-naħa l-oħra, l-oqfsa effettivi ta’ governanza nazzjonali għandhom iżidu l-fiduċja, jerġgħu jġibu l-“ammortizzaturi fiskali” (fiscal buffers) meħtieġa u jevitaw il-politiki fiskali proċikliċi (2). L-istrumenti finanzjarji tal-UE u l-baġits nazzjonali għandhom jikkontribwixxu għal dawn l-għanijiet.

5.3.

Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni li jissaħħaħ il-monitoraġġ tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, kif ipproponew il-ħames presidenti (3). Apparti t-titjib tal-applikazzjoni u s-superviżjoni tal-istrateġija eżistenti, tħabbar ukoll proċess għall-iżvilupp ta’ viżjoni aktar fit-tul li tmur lil hinn mill-orizzont tal-2020, anki fid-dawl tal-Għanijiet ġodda ta’ Żvilupp Sostenibbli miftiehma min-Nazzjonijiet Uniti għall-2030. Il-Kumitat jilqa’ din l-inizjattiva ppjanata peress li tikkonferma l-fehma tiegħu li l-UE ser ikollha testendi l-orizzont ta’ ppjanar sa mill-inqas l-2030 sabiex timplimenta l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli billi tintroduċi strateġija integrata għal Ewropa sostenibbli f’dinja globalizzata.

5.4.

Id-diviżjoni tas-Semestru f’żewġ fażijiet – Ewropea (minn Novembru sa Frar) u nazzjonali (minn Frar sa Ġunju) – tiddefinixxi aħjar l-oqsma ta’ responsabbiltà u tippermetti konsultazzjoni fil-fond tal-imsieħba soċjali dwar il-proċessi ta’ riforma fl-Ewropa.

6.   L-iżvilupp tal-ekonomija

6.1.

L-UE rreġistrat tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,9 % fl-2015 u tbassir ta’ 2,0 % fl-2016 u 2,1 % fl-2017 (4), iżda jeżistu differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri.

6.2.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-esportazzjonijiet – li rreġistraw surplus rekord ta’ 3,5 % tal-PDG fiż-żona tal-euro (1,9 % tal-PDG tal-UE-28) – kienu l-ixprun tal-irkupru. Fil-livell aggregat, iż-żona tal-euro qed ikollha surplus fil-kont kurrenti li huwa wieħed mill-akbar fid-dinja u mistenni li jerġa’ jiżdied fl-2015. Filwaqt li l-prezzijiet aktar baxxi tal-prodotti bażiċi u d-deprezzament tar-rata tal-kambju tal-euro kkontribwixxew biex jagħtu spinta lill-bilanċ tal-kummerċ, is-surplus jirrifletti fil-biċċa l-kbira frankar nazzjonali eċċessiv fuq investiment fiż-żona tal-euro (5). Dan jirrifletti wkoll d-dubji li għadhom jeżitu dwar l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir.

6.3.

Il-moderazzjoni tal-pagi, it-tnaqqis fil-prezz taż-żejt, ir-rati tal-imgħax baxxi u l-iżviluppi fir-rati tal-kambju jgħinu l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. L-irkupru ekonomiku jiddependi dejjem aktar fuq id-domanda domestika, iżda dan huwa affettwat mir-restrizzjonijiet baġitarji, rata għolja ta’ impjieg temporanju, il-pagi baxxi u n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ kreditu għall-familji u n-negozji, b’mod partikolari l-SMEs.

7.   Kummenti dwar l-abbozz ta’ rapport konġunt dwar l-impjiegi

7.1.

Skont l-abbozz ta’ rapport konġunt dwar l-impjiegi, numru ta’ riformi saħħew xi mekkaniżmi li jistabbilixxu s-salarji bil-għan li tiġi promossal-konverġenza tal-iżviluppi tal-pagi mal-produttività u biex jiġi appoġġjat id-dħul disponibbli għall-unitajiet domestiċi, b’enfasi partikolari fuq il-pagi minimi. Madankollu, il-KESE jwissi li bejn l-2008 u l-2015, iż-żieda fil-pagi kienet anqas mill-produttività f’mill-anqas tmintax-il Stat Membru (6).

7.2.

Fl-2014, kien hemm tnaqqis fil-kostijiet ta’ unità lavorattiva (KUL) f’numru ta’ pajjiżi taż-żona tal-euro li kienu partikolarment milquta mill-kriżi. Barra minn dan, f’pajjiżi fejn is-suq tax-xogħol qed jitjieb, in-numru ta’ sigħat maħduma beda jikkontribwixxi b’mod pożittiv lejn l-evoluzzjoni tal-KUL (7).

7.3.

Il-KESE jaqbel li l-modernizzazzjoni, it-tlaqqigħ aħjar bejn il-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, u l-investiment kontinwu fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-ħiliet diġitali, huma essenzjali għall-futur tal-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività fl-UE.

7.4.

Il-qgħad fit-tul issa jirrappreżenta 50 % tal-qgħad totali. Hemm bżonn ta’ “azzjoni immedjata” kontra din il-problema, u għandha tingħata prijorità fil-politiki tal-impjieg. Il-livell għoli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni jew impjieg jistħoqilhom attenzjoni prijoritarja.

7.5.

Huwa sinifikanti li l-analiżi riċenti tan-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet tissuġġerixxu li huma biss anqas minn nofs tad-diffikultajiet tar-reklutaġġ li huma dovuti għal nuqqas ġenwin tal-ħiliet, filwaqt li kważi terz minnhom jista’ jiġi attribwit għal paga ftit li xejn attraenti.

7.6.

L-għadd kbir ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni rreġistrat fl-2014 (24,4 %, jiġifieri 122 miljun persuna – UE 28) u t-tendenza ta’ dawn l-aħħar snin iqajmu bosta mistoqsijiet dwar il-konformità ma’ wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020.

7.7.

In-nisa għadhom mhux irrappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol anke jekk il-kwalifiki tagħhom tjiebu u saħansitra jaqbżu l-irġiel f’termini ta’ edukazzjoni formali. Id-differenza ta’ 40 % fil-pensjonijiet hija r-riżultat ta’ karrieri iqsar u salarji aktar baxxi. Il-KESE jiddispjaċih li s-SAT 2016 ma jinkludix proposti dwar din il-kwistjoni. Huwa jinnota wkoll li l-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx strateġija komprensiva dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, b’miżuri speċifiċi biex jitqiesu l-impenji politiċi eżistenti u r-rekwiżiti tas-soċjetà ċivili organizzata (8).

8.   Il-prijoritajiet politiċi għall-2016

8.1.

L-aspettativi għall-ħruġ mill-kriżi għadhom ma ġewx sodisfati.

8.2.

Minħabba d-differenzi soċjali u ekonomiċi kbar li jeżistu fi ħdan l-UE hemm bżonn li tissaħħaħ il-konverġenza tal-Istati Membri fil-ksib tal-għanijiet f’dan il-qasam. Huwa essenzjali li jittejbu s-sinerġiji tal-istrateġiji tal-investiment u l-iżvilupp bejn l-ekonomiji nazzjonali u l-ekonomija Ewropea.

8.3.

Fil-kuntest tal-prijoritajiet politiċi għall-2016, il-KESE jenfasizza b’mod partikolari tnejn minnhom: l-investiment u l-impjieg.

8.4.   Tnedija mill-ġdid tal-investiment: ħtieġa urġenti

8.4.1.

Quddiem it-tnaqqis sostanzjali fl-investiment hemm ħtieġa urġenti li tittejjeb il-klima tal-investiment biex jiġi appoġġjat l-irkupru ekonomiku u jissaħħu l-produttività u l-potenzjal għat-tkabbir (9). Il-KESE min-naħa tiegħu jqis li hemm bżonn li l-politika ta’ awsterità tiġi orjentata mill-ġdid u jiżdied l-impenn għall-politiki tat-tkabbir.

8.4.2.

L-istrumenti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment, fost oħrajn) huma essenzjali biex tiġi indirizzata l-kriżi u nerġgħu lura għal tkabbir sostenibbli, u b’mod speċjali l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex jissaħħu n-netwerks trans-Ewropej tal-infrastruttura tat-trasport, it-telekomunikazzjoni u l-enerġija.

8.4.3.

Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa – pass fid-direzzjoni t-tajba li għandu jiġi kkomplementat minn miżuri oħra – kellu bidu tajjeb fejn, skont il-BEI, it-total tal-investiment promoss matul l-2015 ser jilħaq il-EUR 50 000 miljun, u li 71 000 SMEs u intrapriżi b’kapitalizzazzjoni medja jistgħu jibbenefikaw mill-proġetti ta’ investiment tal-FEIS. Sabiex tinkiseb il-mira ta’ EUR 315 000 biljun f’investiment sal-2017 hemm bżonn li:

jinġibed numru akbar ta’ investituri istituzzjonali (fl-UE u barra l-UE). S’issa, disa’ Stati Membri biss wiegħdu kontribuzzjonijiet u fosthom hemm dawk li m’għadx għandhom bżonn li jimmodernizzaw l-istruttura ekonomika tagħhom;

jinxterdu aktar il-possibbiltajiet tal-finanzjament tal-FEIS, peress li f’xi każijiet għadhom mhumiex magħrufa biżżejjed mill-awtoritajiet pubbliċi u l-investituri privati.

8.4.4.

Aktar minn nofs il-proġetti tal-FEIS huma relatati mal-effiċjenza fl-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u l-innovazzjoni. It-twettiq tal-Ftehim ta’ Pariġi għat-tranżizzjoni minn ekonomiji b’konsum għoli ta’ enerġija fossili u ta’ riżorsi għal xejriet b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u b’impronta baxxa huwa sfida ewlenija għall-UE, li għandha tnaqqas b’mod sostanzjali l-emissjonijiet tagħha. L-investimenti biex titwettaq it-transizzjoni tal-enerġija huwa sors ta’ ħolqien ta’ impjiegi u żvilupp ekonomiku. Barra minn hekk, dawn jistgħu ikunu l-ixprun ewlieni għat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija b’effetti soċjali u ekonomiċi pożittivi.

8.4.5.

Il-Kumitat jaqbel li l-finanzjament tal-ekonomija reali tjieb b’mod sostanzjali, għalkemm għad hemm differenzi bejn l-Istati Membri. Madankollu, din il-problema taffettwa l-aktar lill-SMEs, li jiddependu ħafna fuq is-self mill-banek. Bħala għan ċentrali, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-UE, għandu jkollha li tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament (10).

8.4.6.

Ninvestu fil-kapital uman Il-KESE jiddispjaċih bit-tnaqqis fl-infiq pubbliku għall-edukazzjoni (11) għaliex l-Ewropa teħtieġ forza tax-xogħol imħarrġa u b’edukazzjoni tajba biex tilħaq il-potenzjal ekonomiku tagħha. Il-miżuri ta’ riforma għandhom jagħtu prijorità kemm li jiżdied il-livell ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi kif ukoll li jitneħħa d-distakk dejjem jikber bejn il-persuni bi ftit kwalifiki u dawk b’kwalifiki għoljin.

8.5.   Trawwim tal-impjiegi, ta’ politiki soċjali inklużivi u tkabbir ekonomiku sostenibbliv

8.5.1.

Is-setturi innovattivi għandhom potenzjal kbir għall-ħolqien tal-impjiegi. Is-SAT 2016 għandu jiffoka fuq it-tisħiħ tal-governanza biex il-politiki ewlenin Ewropej dwar l-integrazzjoni tas-swieq u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija (Aġenda Diġitali, is-Suq Intern tal-Enerġija, Qafas għas-Settur Awdjoviżiv, Qafas tas-Suq tat-Telekomunikazzjonijiet) jitwettqu b’mod effettiv.

8.5.2.

L-impjieg stabbli huwa vitali għall-irkupru ekonomiku, iżda toħroġ fid-dieher is-segmentazzjoni fil-fond tas-suq tax-xogħol (12). Jeħtieġ li tiġi rikonċiljata l-ħtieġa ta’ adattament f’dinja tax-xogħol li tinbidel radikalment mas-sigurtà tal-impjieg, l-identifikazzjoni tal-ħaddiem mal-kumpanija u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tiegħu.

8.5.3.

Il-KESE diġà enfasizza li l-kunċett ta’ “flessigurtà” – li l-Kummissjoni qed terġa’ tiddiskuti fis-SAT 2016 – ma jfissirx tnaqqis unilaterali u illeġittimu tad-drittijiet tal-ħaddiema iżda t-tfassil tal-liġi tax-xogħol, is-sistemi tal-protezzjoni tal-impjieg u, flimkien mal-imsieħba soċjali, il-prattiki ta’ negozjar kollettiv, biex jiġi żgurat l-aħjar bilanċ bejn il-flessibbilità u s-sigurtà fir-relazzjonijiet ta’ impjieg kollha, u tiġi provduta sigurtà adegwata għall-ħaddiema b’kull tip ta’ kuntratt sabiex jiġu indirizzati s-swieq tax-xogħol segmentati (13).

8.5.4.

Il-KESE jqis pożittiv:

id-deċiżjoni tal-Grupp tal-Euro biex jevalwa l-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol bil-għan li jitnaqqsu l-ostakli għall-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi (14), b’enfasi fuq il-fatt li l-ekoloġizzazzjoni tas-sistemi fiskali, b’mod partikolari billi jiġi żgurat li attivitajiet b’emissjonijiet baxxi u marka tal-karbonju żgħira jiġu ppremjati, meta mqabbla ma’ dawk b’użu intensiv ta’ riżorsi u enerġija, hija kruċjali biex l-ekonomija Ewropea tkun iżjed sostenibbli,

il-proposti li għandhom l-għan li jtejbu s-swieq tal-prodotti u s-servizzi u l-ambjent tan-negozju u, b’mod partikolari, il-proposti li jirreferu għall-bejgħ bl-imnut,

il-proposti relatati mal-akkwist pubbliku, li jirrappreżenta 19 % tal-PDG tal-UE: biex tiżdied it-trasparenza, tittejjeb l-effettività tal-gvern, jintuża aktar l-akkwist elettroniku u tkompli l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

8.5.5.

Il-Kumitat appoġġja t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika (15); jilqa’ l-prinċipju ta’ ekonomija ċirkolari u bħalissa qed jivvaluta l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-Pakkett ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru 2015.

8.5.6.

Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti li għandhom jaqdu s-Semestru Ewropew u l-analiżi annwali tat-tkabbir biex jiġi żgurat is-segwitu tal-politiki ta’ żvilupp sostenibbli. F’dawn l-aħħar snin il-Kummissjoni kienet bdiet tinkludi kwistjonijiet ambjentali wkoll fis-SAT u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Il-Kumitat jiddispjaċih li l-Kummissjoni donnha abbandunat dan l-approċċ (“l-ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew”) f’dan l-SAT u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tqis fis-Semestru Ewropew it-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u ekonomija ċirkolari bħala l-fattur kruċjali għal prosperità ekonomika fit-tul, il-kompetittività u r-reżiljenza.

9.   Miżuri oħra

9.1.   Politiki fiskali responsabbli

9.1.1.

F’dawn l-aħħar snin, l-UE u l-Istati Membri adottaw firxa wiesgħa ta’ miżuri (fost oħrajn, Unjoni Bankarja, riformi strutturali) fil-kuntest tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Bħala riżultat ta’ dan, sar progress fl-indirizzar tal-iżbilanċi makroekonomiċi. F’kuntest ta’ inflazzjoni baxxa ħafna (0 % fl-2015 u tbassir ta’ 1,7 % fl-2017) kien hemm tnaqqis sinifikanti tad-defiċit pubbliku (2,5 % tal-PDG fil-preżent, tbassir ta’ 1,6 % tal-PGD fl-2017 (16)). Il-miżuri biex jitnaqqas l-istokk għoli ta’ dejn pubbliku (86,8 % tal-PDG) u privat (unitajiet domestiċi, 57,9 %; korporazzjonijiet mhux finanzjarji, 79,5 %) jimponu restrizzjonijiet għall-investiment u l-konsum.

9.1.2.

Tiżdied l-effikaċja u l-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa. Il-KESE huwa favur li titneħħa d-distorsjoni mhux iġġustifikata fit-taxxa favur id-dejn (debt bias), kif ġie rrakkomandat fir-rapporti tal-IMF. Dan ser jiffaċilita l-mezzi alternattivi ta’ finanzjament għall-kreditu bankarju, speċjalment is-swieq kapitali.

9.1.3.

Il-KESE japprezza l-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar il-lokalizzazzjoni tal-attività ekonomika u l-pakkett ta’ miżuri dwar it-trasparenza fiskali. Għandu jkun hemm azzjoni kkoordinata usa’ mill-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali biex jitneħħew ir-refuġji tat-taxxa u jiġi miġġieled l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa li jikkawżaw telf fl-UE stmat għal triljun euro (17).

9.2.   Il-bidla demografika u l-impatt tagħha fuq is-sistemi tal-pensjonijiet u tas-saħħa.

9.2.1.

L-Istati Membri tal-UE adottaw miżuri dwar l-iskemi ta’ pensjoni pubbliċi maħsuba, minn naħa, biex itaffu l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi u, min-naħa l-oħra, biex itejbu l-vijabbiltà fit-tul tagħhom. Dawn tal-aħħar kienu miżuri ta’ awsterità bħaż-żieda fl-età tal-irtirar u rabta stretta bejn il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji, fost oħrajn. L-iskemi tal-pensjoni privati għandhom rwol soċjali importanti, bħalma ddikjara l-Kumitat (18), iżda m’għandhomx jitqiesu biss bħala strumenti finanzjarji.

9.2.2.

Il-Kumitat jaqbel li hemm bżonn li tiġi stabbilita bażi ta’ finanzjament vijabbli tas-sistemi tas-saħħa. Għall-akbar benessri taċ-ċittadini tal-Unjoni, dawn is-sistemi għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji u valuri tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, bħall-universalità, l-aċċessibbiltà, is-sens ta’ ġustizzja u s-solidarjetà (19).

9.3.   Ir-refuġjati u dawk li japplikaw għall-asil

9.3.1.

Sabiex jinħoloq il-kunsens soċjali meħtieġ fl-Ewropa, huwa essenzjali li jiġu rispettati bis-sħiħ it-trattament ugwali u d-drittijiet soċjali kemm taċ-ċittadini tal-UE kif ukoll tar-refuġjati fl-Ewropa, b’attenzjoni partikolari lil dawk l-aktar vulnerabbli fosthom. L-investiment bikri fl-integrazzjoni tar-refuġjati fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol huwa importanti biex jgħin lir-refuġjati jibnu ħajjithom mill-ġdid, filwaqt li jiġu minimizzati konflitti potenzjali mal-popolazzjoni lokali u jiġu evitati spejjeż ogħla fil-ġejjieni.

9.3.2.

Il-KESE jittama li l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi ser jgħin lill-UE toqrob b’mod konsenswali lejn sistema li tkun robusta u flessibbli biżżejjed biex tindirizza l-isfidi tal-migrazzjoni fl-għamliet kollha tagħha.

9.3.3.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jridu jappoġġjaw b’mod attiv lill-gvernijiet tal-Istati Membri sabiex jipprovdu l-kundizzjonijiet u l-prospetti adatti għall-integrazzjoni tal-applikanti għall-asil rilokati. Fost affarijiet oħra, f’dan il-kuntest għandu jiġi ċċarat li n-nefqa mġarrba mill-Istati Membri fir-rigward tal-akkoljenza u l-integrazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-asil u tar-refuġjati mhijiex dejjiema jew strutturali u, għalhekk, ma għandhiex tiġi inkluża fil-kalkolu tad-defiċit baġitarju strutturali.

9.3.4.

Il-KESE jikkonferma li l-Ftehim ta’ Schengen huwa pilastru fundamentali tal-arkitettura tal-UE (20).

9.4.   L-involviment tas-soċjetà ċivili

9.4.1.

Il-KESE jqis importanti li l-imsieħba soċjali jiġu involuti fil-politiki soċjali u ekonomiċi sabiex dawn ikunu aktar effettivi.

9.4.2.

Il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) għandu jkollhom oqsma għal diskussjoni, b’mod partikolari mal-kunsilli ekonomiċi u soċjali. Madankollu, dan l-involviment huwa nieqes f’xi Stati Membri.

9.4.3.

Jekk jiġu stabbiliti bordijiet nazzjonali ta’ kompetittività kif rakkomandat mill-Kummissjoni dawn għandhom ikunu kompletament kompatibbli man-negozjar kollettiv liberu u mal-mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni u djalogu bejn l-imsieħba soċjali li jeżistu f’kull Stat Membru. Opinjoni korrespondenti tal-KESE ser tiġi adottata f’Marzu 2016.

9.5.   Leġittimità demokratika

9.5.1.

Id-defiċit demokratiku wassal għal telf ta’ fiduċja fl-ideal Ewropew. Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li terġa’ tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini u tinbena mill-ġdid il-viżjoni ta’ Ewropa soċjali, u dan għandu jsaħħaħ u jappoġġja l-leġittimità soċjali tal-istruttura Ewropea.

9.5.2.

Kemm fit-teorija kif ukoll fil-prattika, l-Unjoni Ewropea għandu jkollha biżżejjed leġittimità soċjali. Il-kontroversja dwar id-“defiċit demokratiku” tal-Unjoni Ewropea tkompli, filwaqt li kien hemm bidla semantika minn “defiċit demokratiku” għal “defiċit fil-ġustizzja” u “defiċit ta’ leġittimità” f’sens wiesa’. Jeħtieġ li jiġu kkonsolidati l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali li huma l-bażi tal-Unjoni Ewropea u tissaħħaħ l-Ewropa soċjali li għandha l-għan li tiġġieled l-esklużjoni soċjali u żżomm is-solidarjetà.

Brussell, is-17 ta’ Frar 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ECOFIN, 15.1.2016.

(2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(3)  Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, 22 ta’ Ġunju 2015. Ara wkoll “Dwar passi lejn l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja”, COM(2015) 600 final.

(4)  Tbassir tal-ħarifa 2015.

(5)  Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2016, COM(2015) 691 final.

(6)  Ara: https://www.etuc.org/sites/www.etuc.org/files/document/files/08-en_ags2015_annex_3_-_wages_as_an_engine_of_growth.pdf.

(7)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

(8)  Ara Monserrat Mir, Why is the Commission ignoring women? http://www.euractiv.com/sections/social-europe-jobs/why-commission-annoying-half-population-320379

(9)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(10)  Ara: http://www.savings-banks.com/press/positions/Pages/Common-position-on-Capital-Markets-Union-.aspx.

(11)  COM(2015) 700 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.

(13)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 48.

(14)  Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro dwar il-programm ta’ riforma strutturali – diskussjonijiet tematiċi dwar it-tkabbir u l-impjieg: valutazzjoni komparattiva tal-piżijiet tat-taxxa fuq ix-xogħol, 638/15, it-12 ta’ Settembru 2015.

(15)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99.

(16)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

(17)  http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/tax_fraud_evasion/missing-part_en.htm

(18)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 106.

(19)  ĠU C 242, 23.7.2015, p. 48.

(20)  Ara KESE: Frontex (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 162); Migrazzjoni (ĠU C 248, 25.8.2011, p. 135); Ewropa miftuħa u Sikura, (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 96); Riżoluzzjoni 10.12.2015 (ĠU C 71, 24.2.2016, p. 1).


ANNESS

Il-punt li ġej tal-Opinjoni tas-sotto kumitat, li ġiet sostitwit minn emenda adottata mill-Assemblea, irċieva mill-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 9.4.3

Jekk għandhom jiġu stabbiliti bordijiet nazzjonali ta’ kompetittività kif rakkomandat mill-Kummissjoni dawn għandhom ikunu kompletament kompatibbli man-negozjar kollettiv liberu u mal-mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni u djalogu bejn l-imsieħba soċjali li jeżistu f’kull Stat Membru. Opinjoni rispettiva tal-KESE ser tiġi adottata f’Marzu 2016.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

103

Kontra:

54

Astensjonijiet:

10