ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 107

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
22 ta' Marzu 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 107/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7866 — Activision Blizzard/King) ( 1 )

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 107/02

Rata tal-kambju tal-euro

2

2016/C 107/03

Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-5 ta’ Jannar 2016 dwar abbozz ta’ deċiżjoni relatat mal-Każ M.7567 Ball/Rexam — Relatur: il-Ġermanja

3

2016/C 107/04

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — Ball/Rexam (M.7567)

5

2016/C 107/05

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Jannar 2016 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ M.7567 — Ball/Rexam) (notifikat bid-dokument C(2016) 103)  ( 1 )

7

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2016/C 107/06

Avviż mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità — Stedina għall-preżentazzjoni tal-offerti rigward l-operat ta’ servizzi tal-ajru bi skeda skont l-obbligi tas-servizz pubbliku ( 1 )

11


 

V   Avviżi

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 107/07

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

12


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

22.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7866 — Activision Blizzard/King)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 107/01)

Fit-12 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32016M7866. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

22.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/2


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-21 ta’ Marzu 2016

(2016/C 107/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1271

JPY

Yen Ġappuniż

125,94

DKK

Krona Daniża

7,4544

GBP

Lira Sterlina

0,78303

SEK

Krona Żvediża

9,2538

CHF

Frank Żvizzeru

1,0916

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,4428

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,035

HUF

Forint Ungeriż

310,49

PLN

Zloty Pollakk

4,2581

RON

Leu Rumen

4,4688

TRY

Lira Turka

3,2325

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4819

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4703

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,7408

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6645

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5324

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 308,05

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

17,2448

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,3028

HRK

Kuna Kroata

7,5215

IDR

Rupiah Indoneżjan

14 874,81

MYR

Ringgit Malażjan

4,5728

PHP

Peso Filippin

52,296

RUB

Rouble Russu

76,7226

THB

Baht Tajlandiż

39,370

BRL

Real Brażiljan

4,0897

MXN

Peso Messikan

19,5916

INR

Rupi Indjan

74,9933


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


22.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/3


Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-5 ta’ Jannar 2016 dwar abbozz ta’ deċiżjoni relatat mal-Każ M.7567 Ball/Rexam

Relatur: il-Ġermanja

(2016/C 107/03)

Operazzjoni

1.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-operazzjoni nnotifikata tikkostitwixxi konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

Id-Dimensjoni tal-Unjoni

2.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-operazzjoni notifikata għandha dimensjoni tal-Unjoni, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

Suq tal-prodotti

3.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mad-definizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-swieq tal-prodotti rilevanti kif iddikjarat fl-abbozz ta’ deċiżjoni.

4.

B’mod partikolari, il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li għall-fini tal-valutazzjoni tal-operazzjoni preżenti:

a)

Laned tax-xorb jikkostitwixxu suq distint minn forom oħra ta’ soluzzjonijiet għall-ippakkjar tax-xorb.

b)

Daqsijiet u tipi differenti ta’ laned jappartjenu għall-istess suq, anki jekk dawn huma prodotti differenzjati fi ħdan dan is-suq.

c)

L-għotjien u l-korpi tal-laned jifformaw parti mill-istess suq tal-prodotti.

d)

Laned tal-aluminju u tal-azzar jappartjenu lill-istess suq tal-prodotti.

Is-suq ġeografiku

5.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mad-definizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-swieq ġeografiċi rilevanti kif iddikjarat fl-abbozz ta’ deċiżjoni.

6.

B’mod partikolari, il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-operazzjoni attwali, is-swieq ġeografiċi rilevanti jikkonsistu minn raggruppamenti reġjonali ta’ żoni ta’ qbid ta’ 700 km madwar lokalitajiet individwali għall-mili mill-klijenti (minn hawn ‘il quddiem “raggruppamenti reġjonali”) fejn il-kundizzjonijiet kompetittivi huma omoġenji biżżejjed. Dawn ir-raggruppamenti reġjonali jiffurmaw żoni ta’ qbid ta’ 700 km madwar lokalitajiet individwali għall-mili mill-klijenti li jinsabu f’kull wieħed minn dawn ir-reġjuni li ġejjin: (i) ir-Renju Unit u l-Irlanda; (ii) il-Benelux (il-Belġju, il-Lussemburgu u n-Netherlands); (iii) l-Ewropa Ċentrali (l-Awstrija u l-Ġermanja); (iv) Franza; (v) l-Italja; (vi) l-Iberja (Spanja u l-Portugall); (vii) il-Grigal tal-Ewropa (Ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, il-Polonja, il-Litwanja, l-Estonja u l-Latvja); (vii) ix-Xlokk tal-Ewropa (l-Ungerija, is-Slovenja, il-Kroazja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Greċja u Ċipru); u (ix) in-Nordiċi (id-Danimarka, in-Norveġja, l-Isvezja, il-Finlandja u l-Iżlanda).

Valutazzjoni Kompetittiva

7.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-operazzjoni notifikata mhux probabbli li twassal għal tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-swieq potenzjali tal-fliexken tal-aluminju.

8.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-operazzjoni notifikata twassal għal tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-swieq rilevanti tal-laned tax-xorb.

9.

B’mod partikolari, il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-operazzjoni notifikata twassal għal tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva:

a)

fir-raggruppament taż-żoni ta’ qbid madwar il-lokalitajiet individwali għall-mili mill-klijenti fl-Ewropa Ċentrali: fil-Ġermanja u l-Awstrija,

b)

fir-raggruppament taż-żoni ta’ qbid madwar il-lokalitajiet individwali għall-mili mill-klijenti fil-Benelux;

c)

fir-raggruppament taż-żoni ta’ qbid madwar il-lokalitajiet individwali għall-mili mill-klijenti fi Franza;

d)

fir-raggruppament taż-żoni ta’ qbid madwar il-lokalitajiet individwali għall-mili mill-klijenti fl-Italja;

e)

fir-raggruppament taż-żoni ta’ qbid madwar il-lokalitajiet individwali għall-mili mill-klijenti fl-Iberja;

f)

fir-raggruppament taż-żoni ta’ qbid madwar il-lokalitajiet individwali għall-mili mill-klijenti fil-Grigal tal-Ewropa: il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, il-Litwanja, l-Estonja u l-Latvja;

g)

fir-raggruppament taż-żoni ta’ qbid madwar il-lokalitajiet individwali għall-mili mill-klijenti fl-Ewropa tax-Xlokk: l-Ungerija, is-Slovenja, il-Kroazja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Greċja u Ċipru;

h)

fir-raggruppament taż-żoni ta’ qbid madwar il-lokalitajiet individwali għall-mili mill-klijenti fil-pajjiżi Nordiċi: id-Danimarka, in-Norveġja, l-Isvezja, il-Finlandja u l-Iżlanda;

i)

fir-raggruppament taż-żoni ta’ qbid madwar il-lokalitajiet individwali għall-mili mill-klijenti fir-Renju Unit u l-Irlanda.

10.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-impenji finali offruti mill-parti notifikanti fit-3 ta’ Diċembru 2015 jindirizzaw it-tħassib rigward il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni.

11.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li, soġġett għall-konformità sħiħa mal-impenjji finali offruti mill-parti notifikanti fit-3 ta’ Diċembru 2015, l-operazzjoni notifikata ma jidhirx li se tfixkel b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu.

Kompatibbiltà mas-Suq Intern

12.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni notifikata għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE skont l-Artikoli 2(2) u 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE.


22.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/5


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Ball/Rexam

(M.7567)

(2016/C 107/04)

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fil-15 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2) li permezz tagħha, Ball Corporation (“Ball”) għandha takkwista l-kapital azzjonarju kollu maħruġ u li għandu jinħareġ, ta’ Rexam PLC (“Rexam”) (it-“Tranżazzjoni”). Ball tissejjaħ il-“Parti Notifikanti”. Ball u Rexam flimkien jissejħu l-“Partijiet”. It-Tranżazzjoni hija konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

II.   PROĊEDURA

Id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c) u l-aċċess għad-dokumenti ewlenin

2.

Fl-20 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni biex tibda proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet filwaqt li sabet li t-Tranżazzjoni tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE. Id-dubji serji tqajmu fir-rigward ta’ laned tax-xorb kif ukoll ta’ fliexken tal-aluminju.

3.

Fit-22 u d-29 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni pprovdiet lill-Parti Notifikanti b’verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ ċerti sottomissjonijiet ewlenin ta’ partijiet terzi miġbura matul il-Fażi I tal-investigazzjoni.

4.

Fit-3 ta’ Awwissu 2015, il-Parti Notifikanti ressqet il-kummenti bil-miktub tagħha għad-Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c).

5.

Matul il-Fażi II tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għall-informazzjoni lill-Partijiet u lil kompetituri, klijenti u fornituri.

Is-smigħ tal-partijiet

6.

Fid-29 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li ġiet notifikata lill-Parti Notifikanti fl-istess jum. Rexam irċeviet verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO kif organizzata bejn il-Partijiet.

7.

Fid-DO, il-Kummissjoni b’mod preliminari kkonkludiet li t-Tranżazzjoni proposta twassal għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fir-rigward tal-laned tax-xorb fis-swieq ġeografiċi rilevanti fiż-ŻEE u bħala tali tkun inkompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE.

8.

L-aċċess għall-fajl sar permezz ta’ kamra ta’ dejta u ta’ CD-ROMs mgħoddija lill-uffiċċji tal-Kummissjoni f’diversi okkażjonijiet, b’mod partikolari fit-30 ta’ Settembru, fit-2 ta’ Ottubru, fit-28 ta’ Ottubru, fit-12 ta’ Novembru, fl-1 ta’ Diċembru u fit-22 ta’ Diċembru 2015. Il-Kummissjoni indirizzat xi talbiet għal aktar aċċess. Ma rċevejt l-ebda applikazzjoni formali fir-rigward tal-aċċess għall-fajl.

9.

Fit-13 ta’ Ottubru 2015, il-Partijiet ippreżentaw risposta konġunta lild-DO. Huma ma talbux seduta ta’ smigħ orali.

10.

Intbagħtu erba’ Ittri ta’ Fatti lill-Parti Notifikanti fis-6, fit-12 u fis-27 ta’ Novembru 2015 rispettivament, kif ukoll fl-4 ta’ Diċembru 2015. Il-Parti Notifikanti wieġbet għal dawn l-Ittri ta’ Fatti fit-12, fis-16 u fit-30 ta’ Novembru 2015, u fis-7 ta’ Diċembru 2015, rispettivament.

11.

Saru laqgħat formali dwar is-sitwazzjoni attwali mal-Partijiet fl-10 ta’ Awwissu, ft-22 ta’ Settembru u fit-23 ta’ Ottubru 2015 u saru aktar laqgħat matul ix-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2015.

Persuni terzi interessati

12.

Żewġ kompetituri tal-Partijiet, jiġifieri Can-Pack S.A. u Crown Holdings, Inc. ġew rikonoxxuti bħala terzi persuni interessati fid-19 ta’ Awwissu u fil-25 ta’ Settembru 2015, rispettivament. Żewġ klijenti tal-Partijiet, jiġifieri SABMiller plc u Carlsberg Breweries A/S ġew rikonoxxuti wkoll bħala terzi persuni interessati fl-14 ta’ Awwissu u fl-4 ta’ Novembru 2015, rispettivament. Ġiet ukoll rikonoxxuta ħames persuna terza interessata, fit-13 ta’ Ottubru 2015 billi wriet biżżejjed interess fil-każ iżda li talbet li l-identità tagħha ma tiġix żvelata lill-Partijiet skont l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE.

13.

Il-persuni terzi interessati kollha rċevew verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-DO u ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

Impenji

14.

Fit-18 ta’ Novembru 2015, il-Parti Notifikanti ppreżentat impenji skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

15.

Fl-20 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni nediet test tas-suq sabiex tiġbor il-fehmiet tal-kompetituri, tal-klijenti u tal-parteċipanti l-oħra fis-suq dwar l-impenji proposti.

16.

Fit-3 ta’ Diċembru 2015, il-Parti Notifikanti ppreżentat sett finali ta’ impenji.

17.

Abbażi tas-sett finali ta’ impenji, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni hija kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE.

III.   KONKLUŻJONI

18.

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jien eżaminajt jekk l-abbozz ta’ deċiżjoni jindirizzax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom u wasalt għal konklużjoni pożittiva.

19.

Kollox ma’ kollox, jien nikkonkludi li l-partijiet kienu kapaċi jeżerċitaw effettivament id-drittijiet proċedurali tagħhom f’dan il-każ.

Brussell, is-6 ta’ Jannar 2016.

Joos STRAGIER


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29 (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).


22.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/7


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-15 ta’ Jannar 2016

li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim ŻEE

(Il-Każ M.7567 — Ball/Rexam)

(notifikat bid-dokument C(2016) 103)

(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 107/05)

Fil-15 ta’ Jannar 2016 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi  (1), u partikolarment l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa, billi l-każ jista’ jkun fil-forma ta’ verżjoni provviżorja, hija disponibbli fl-ilsien awtentiku tal-każ fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, f’dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

I.   IL-PARTIJIET

(1)

Ball Corporation (“Ball”) hija kumpanija bbażata fl-Istati Uniti tal-Amerika. Hija attiva madwar id-dinja fil-produzzjoni u l-provvista ta’ imballaġġ tal-metall għal prodotti ta’ xorb, ikel u prodotti għall-użu fid-djar. Ball għandha faċilitajiet ta’ produzzjoni fl-Amerika ta’ Fuq, il-Brażil, l-Ewropa u fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku. Hija wkoll preżenti fid-disinn, l-iżvilupp u l-manifattura ta’ sistemi aerospazjali. Ball hija l-akbar manifattur tax-xorb fil-laned mad-dinja kollha u t-tieni l-akbar manifattur tax-xorb fil-laned fiż-ŻEE.

(2)

Rexam PLC (“Rexam”) hija kumpanija stabbilita fir-Renju Unit. Hija attiva madwar id-dinja fil-manifattura tal-laned tax-xorb, b’faċilitajiet ta’ produzzjoni fl-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika ta’ Isfel, l-Ewropa, l-Afrika, il-Lvant Nofsani u l-Asja. Rexam hija t-tieni l-akbar manifattur tal-laned tax-xorb fid-dinja u l-akbar manifattur tal-laned tax-xorb fiż-ŻEE.

II.   L-OPERAZZJONI

(3)

Fil-15 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni rċeviet notifika formali skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li permezz tagħha Ball għandha takkwista l-kapital azzjonarju kollu maħruġ u li għandu jinħareġ, ta’ Rexam (“it-Tranżazzjoni”). Ball tissejjaħ il-“Parti Notifikanti”. Ball u Rexam flimkien qed jissejħu “l-Partijiet”.

III.   ID-DIMENSJONI TAL-UE

(4)

L-impriżi kkonċernati għandhom fatturat dinji aggregat ikkombinat ta’ iktar minn EUR 5 000 miljun (2). Kull wieħed minnhom għandu fatturat fl-UE ta’aktar minn EUR 250 miljun u ma jilħqux aktar minn żewġ terzi tal-fatturat aggregat tagħhom fl-UE kollha fi Stat Membru wieħed u l-istess Stat. It-Tranżazzjoni għalhekk għandha dimensjoni tal-Unjoni.

IV.   IL-PROĊEDURA

(5)

Fl-20 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni sabet li t-Tranżazzjoni qajmet dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u l-Ftehim ŻEE u adottat deċiżjoni biex tibda proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Tqajmu dubji serji fir-rigward tal-laned tax-xorb, kif ukoll tal-fliexken tal-aluminju.

(6)

Fid-29 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Il-Parti Notifikanti wieġbet għad-DO fit-13 ta’ Ottubru 2015. Fit-23 ta’ Ottubru 2015, saret laqgħa formali dwar is-sitwazzjoni attwali.

(7)

Fit-18 ta’ Novembru 2015, il-Parti Notifikanti ssottomettiet impenji sabiex tindirizza t-tħassib relatat mal-kompetizzjoni identifikat fid-DO (l-“Impenji tat-18 ta’ Novembru 2015”). Konsegwentement, il-perjodu tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni finali kien estiż bi 15-il jum ta’ xogħol skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(8)

Fl-20 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni nediet test tas-suq dwar l-Impenji tat-18 ta’ Novembru 2015.

(9)

Fit-3 ta’ Diċembru 2015, il-Parti Notifikanti ssottomettiet sett finali ta’ impenji (“l-Impenji Finali”).

V.   IS-SWIEQ TAL-PRODOTTI RILEVANTI

Laned tax-xorb

(10)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li (i) l-laned tax-xorb jikkostitwixxu suq separat minn tipi oħra ta’ soluzzjonijiet ta’ kontenituri tax-xorb bħal ħġieġ, polietilentereftalat (PET) u kaxxi tal-kartun, (ii) il-korpi u l-għotjien tal-laned jappartjenu lill-istess suq rilevanti, irrispettivament minn jekk humiex magħmula mill-azzar jew mill-aluminju, u (iii) diversi tipi u daqsijiet ta’ laned jappartjenu lill-istess suq, anki jekk dawn jikkonstitwixxu prodotti differenzjati fi ħdan dan is-suq.

Fliexken tal-aluminju

(11)

Il-Kummissjoni sabet li l-fliexken u l-laned tax-xorb tal-aluminju jappartjenu lil swieq separati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnutat li skont it-teknoloġija tal-produzzjoni użata, tista’ ssir distinzjoni bejn il-fliexken tal-aluminju u l-fliexken IE u DWI. Madankollu, il-Kummissjoni ħalliet id-definizzjoni eżatta tas-suq tal-prodotti miftuħa.

VI.   IS-SWIEQ ĠEOGRAFIĊI RILEVANTI

Laned tax-xorb

(12)

Il-punt tat-tluq tal-Kummissjoni kien żona ta’ qbid b’raġġ ta’ 700 km madwar kull lokalità għall-mili mill-klijenti. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żoni ta’ qbid madwar il-lokalitajiet għall-mili mill-klijenti jistgħu jiġu raggruppati f’żoni ġeografiċi usa’, fejn dawn iż-żoni ta’ qbid ikunu soġġetti għal kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li huma omoġenji biżżejjed.

(13)

Il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet kompetittivi huma omoġenji biżżejjed għall-lokalitajiet għall-mili mill-klijenti li jinsabu fir-reġjuni li ġejjin: l-Ewropa Ċentrali (l-Awstrija u l-Ġermanja), il-Benelux, fi Franza, l-Italja, l-Iberia (Spanja u l-Portugall), l-Ewropa tal-Grigal, (il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, il-Litwanja, l-Estonja u l-Latvja), l-Ewropa tax-Xlokk (l-Ungerija, is-Slovenja, il-Kroazja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Greċja u Ċipru), il-pajjiżi Nordiċi (id-Danimarka, in-Norveġja, l-Isvezja, il-Finlandja u l-Iżlanda) u r-Renju Unit u l-Irlanda.

Fliexken tal-aluminju

(14)

Il-Kummissjoni ħalliet miftuħa d-definizzjoni tas-suq ġeografiku tal-fliexken tal-aluminju peress li t-Tranżazzjoni proposta ma timpedixxix b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva tkun xi tkun id-definizzjoni alternattiva plawżibbli tas-suq ġeografiku.

VII.   VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA

Laned tax-xorb

(15)

Rexam u Ball huma l-akbar żewġ atturi fiż-ŻEE. Fuq il-livell taż-ŻEE, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollha pożizzjoni dominanti kbira wara t-tranżazzjoni b’ [60-70] % tal-volumi tal-bejgħ u [60-70] % tal-kapaċità.

(16)

L-industrija tax-xorb fil-laned diġà hija konċentrata ħafna u mhux kompetittiva daqstant, biż-żewġ Partijiet Crown u Can-Pack biss essenzjalment attivi fiż-ŻEE. It-Tranżazzjoni se tkompli tnaqqas in-numru ta’ atturi fiż-ŻEE minn 4 għal 3.

(17)

Wara li ssir it-Tranżazzjoni, Crown u Can-Pack mhux se jibqgħu kapaċi jikkompetu fuq l-istess livell mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni minħabba d-daqs u l-marka ekoloġika tagħhom li huma ferm iżgħar.

(18)

It-Tranżazzjoni telimina forza kompetittiva minn perspettiva ta’ innovazzjoni. Il-parteċipanti fis-suq jikkunsidraw il-Partijiet bħala l-innovaturi ewlenin fiż-ŻEE filwaqt li Crown u Can-Pack għadhom lura. Il-Partijiet jista’ jkollhom inqas inċentiv biex ikunu innovattivi wara l-fużjoni.

(19)

Il-kapaċità hija stretta ħafna fiż-ŻEE b’rata ta’ utilizzazzjoni ġeneralment ogħla minn 90 %. Fl-2014, il-kapaċità żejda globali ta’ kompetituri għal fabbriki li jinsabu fiż-ŻEE kienet ekwivalenti għal bejn 5 sa 10 % tal-bejgħ akkumulat tal-Partijiet lill-klijenti taż-ŻEE fl-2014.

(20)

Il-possibbiltà li jaqilbu għal forom oħra ta’ imballaġġ ma għandhiex timponi pressjoni kompetittiva suffiċjenti fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u fuq il-prezzijiet. L-għażla tal-klijenti tat-taħlita tal-ippakkjar hija determinata l-aktar mill-bżonnijiet tal-konsumaturi aħħarija u mhux primarjament mill-prezz.

(21)

Il-klijenti, anki l-ikbar fosthom, għandhom biss setgħa kompensatorja tax-xerrej limitata matul in-negozjati. B’mod partikolari l-iskala u l-marka tal-Partijiet u l-issikkar tal-kapaċità globali jnaqqsu s-setgħa tas-suq tal-konsumaturi. L-investigazzjoni wriet ukoll li fl-Ewropa l-awtoforniment mhuwiex soluzzjoni vijabbli mil-lat ekonomiku.

(22)

L-ostakli għad-dħul u l-espansjoni huma għoljin. Il-bini ta’ fabbrika jeħtieġ iż-żmien, ħila u kompetenza kif ukoll impenji fit-tul fir-rigward ta’ volumi kbar min-naħa tal-klijenti. Il-bini ta’ fabbrika b’ linja waħda ta’ produzzjoni teħtieġ investiment bejn il-EUR 50-100 miljun. Biex tkun effiċjenti, fabbrika ġeneralment teħtieġ mill-inqas żewġ linji ta’ produzzjoni li għandhom ikunu qed jintużaw kollha kemm huma.

(23)

It-Tranżazzjoni tista’, l-iktar l-iktar, tirrappreżenta konċentrazzjoni waħda li tnaqqas il-fornituri minn 4 għal 3 u twassal għall-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti fir-raggruppamenti reġjonali li ġejjin: Benelux, l-Ewropa Ċentrali, Franza, l-Italja, l-Ewropa tal-Grigal u l-Ewropa tax-Xlokk. Fil-pajjiżi Nordiċi, it-Tranżazzjoni tkun tikkonsisti prinċipalment minn konċentrazzjoni waħda li tnaqqas il-fornituri minn 3 għal 2. It-tranżazzjoni twassal għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti wkoll fl-Iberia u r-Renju Unit u l-Irlanda. L-ishma tal-kapaċità kkombinata tal-Partijiet jistgħu jvarjaw minn [40-50] % għal [90-100] %, b’żidiet bejn [5-10] % u [30-40] %.

(24)

Għalhekk il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-Tranżazzjoni twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq tax-xorb fil-laned fir-raggruppamenti reġjonali kollha.

Fliexken tal-aluminju

(25)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li fir-rigward ta’ fliexken tal-aluminju, it-Tranżazzjoni ma għandhiex twassal għal impediment sinifikanti fil-kompetizzjoni effettiva.

VIII.   IMPENJI

(26)

Sabiex tagħmel it-Tranżazzjoni kompatibbli mas-suq intern, il-Parti Notifikanti ppreżentat l-Impenji tat-18 ta’ Novembru 2015.

(27)

Il-Parti Notifikanti pproponiet li ċċedi t-totalità tas-segment tagħha Metal Beverage Packaging, Europe, ħlief għal ċerti entitajiet, assi u persunal esklużi kif elenkati fl-Impenji tat-18 ta’ Novembru 2015 (l-esklużjonijiet huma prinċipalment relatati ma’ ċerti kumpaniji holding, tliet fabbriki ta’ Ball tal-laned tax-xorb, xi membri ewlenin tal-persunal, u tagħmir informatiku għal prodotti fil-fażi tal-iżvilupp). Barra minn hekk, il-Parti Notifikanti proponiet li ċċedi żewġ fabbriki ta’ Rexam li jipproduċu laned tax-xorb.

(28)

L-assi biex jiġu ċeduti skont l-Impenji tat-18 ta’ Novembru 2015 prinċipalment kienu jinkludu dan li ġej: il-faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ Ball fir-Renju Unit (Rugby u Wrexham), fl-Ewropa Ċentrali (Weissenthurm, Hassloch u Hermsdorf), u fil-Benelux (Oss), kif ukoll waħda mill-faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ Ball fi Franza (La Ciotat), il-faċilità ta’ produzzjoni ta’ Rexam fl-Awstrija (Enzesfeld) u waħda mill-faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ Rexam fi Spanja (Valdemorillo), iċ-Ċentru Tekniku u Kummerċjali ta’ Ball f’Bonn u, fuq l-għażla tax-xerrej, il-kwartieri ġenerali Ewropej ta’ Ball f’Zurich, il-faċilitajiet ta’ produzzjoni tat-truf tal-laned ta’ Ball fi Braunschweig u f’Deeside (bl-eċċezzjoni ta’ modulu wieħed ta’ produzzjoni).

(29)

Il-pakkett propost ta’ ċessjoni kien jinkludi t-trasferiment ta’ entitajiet legali, persunal, kuntratti ta’ klijenti, kuntratti ta’ fornituri, proprjetà intellettwali, eċċ., soġġett għal bosta esklużjonijiet. Kien jinkludi wkoll klawsola tax-xerrej bil-quddiem u kien jipprevedi li n-negozju ta’ ċessjoni jinbiegħ lil xerrej wieħed.

(30)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Impenji tat-18 ta’ Novembru 2015 ma rnexxilhomx jindirizzaw l-eliminazzjoni ta’ kompetizzjoni akbar fir-raggruppament tal-Ewropa tal-Grigal. Fin-nuqqas ta’ fużjoni, huwa probabbli li Rexam kienet iżżid il-kapaċità fir-reġjun u, konsegwentement, tnaqqas il-konċentrazzjoni tas-suq. L-effetti ta’ konċentrazzjoni sinifikanti baqgħu evidenti wkoll għal grupp iżgħar ta’ klijenti fir-raggruppament tal-Ewropa Ċentrali.

(31)

Rigward il-vijabbiltà u l-kompetittività tan-negozju ta’ ċessjoni, il-Kummissjoni nnutat li l-Parti Notifikanti kienet eskludiet għadd kbir ta’ persunal ewlieni (b’mod partikolari fir-rigward ta’ ġestjoni, ir-Riċerka u l-Iżvilupp, bejgħ u persunal ieħor) mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Impenji tat-18 ta’ Novembru 2015. Madankollu, minħabba li n-negozju ta’ ċessjoni kien ikun jikkonsisti f’netwerk kbir ħafna ta’ fabbriki madwar iż-ŻEE, li jirriżulta f’kombinazzjoni ta’ assi taż-żewġ Partijiet, u jopera f’industrija ikkonċentrat ħafna u b’kapaċità limitata, il-Kummissjoni kkunsidrat li livell għoli ta’ kontinwità ta’ persunal ewlieni jkun kruċjali biex il-ħila tan-negozju ta’ ċessjoni taqdi lill-klijenti tiegħu u tikkompeti b’mod effettiv fis-suq minnufih wara ċ-ċessjoni. Barra minn hekk, deher improbabbli li jkun hemm biżżejjed ġustifikazzjoni biex issawwar il-persunal elenkat kollu u jista’ jkun hemm tħassib dwar il-grad ta’ kompetizzjoni wara t-tranżazzjoni bejn l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u min jidħol ġdid jekk il-persunal kollu jibqa’ mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. It-test tas-suq enfasizza wkoll dawn il-kwistjonijiet.

(32)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Impenji tat-18 ta’ Novembru 2015 ma kinux kapaċi jagħmlu t-Transazzjoni kompatibbli mas-suq intern, b’mod partikolari billi ma kinux se jneħħu kompletament l-ostaklu sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva li ġie identifikat mill-Kummissjoni fir-raggruppament tal-Ewropa tal-Grigal, u li ma kinux jiżguraw b’mod suffiċjenti l-vijabbiltà tan-negozju ta’ ċessjoni.

(33)

Il-Parti Notifikanti ssottomettiet l-Impenji Finali fit-3 ta’ Diċembru 2015 biex tindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni li kien baqa’. B’mod partikolari, hija żiedet mal-miżuri previsti l-fabbrika ta’ Ball ta’ Radomsko, fil-Polonja, kif ukoll aktar persunal, inkluż persunal għall-ġestjoni, ir-Riċerka u l-Żvilupp u persunal fis-settur tal-bejgħ.

(34)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li permezz tal-inklużjoni ta’ Radomsko, it-tħassib tagħha dwar ir-raggruppament reġjonali tal-Ewropa tal-Grigal, b’mod partikolari dak li jirriżulta mill-eliminazzjoni ta’ espansjoni tal-kapaċità, kien se jiġi indirizzat. Barra minn hekk, l-addizzjoni ta’ Radomsko tnaqqas ukoll l-effetti ta’ konċentrazzjoni sinifikanti li grupp iżgħar ta’ klijenti fir-raggruppament tal-Ewropa Ċentrali kienu għadhom qed jaffaċċaw. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Impenji Finali neħħew it-tħassib tagħha dwar il-kompetizzjoni fl-intier tiegħu.

(35)

F’dak li għandu x’jaqsam mat-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-vijabbiltà u l-kompetittività tan-negozju ta’ ċessjoni, iż-żieda ta’ aktar persunal fil-ġestjoni, fir-Riċerka u l-Iżvilupp u persunal fis-settur tal-bejgħ, flimkien ma’ xerrej uniku u klawsola tax-xerrej bil-quddiem għandhom jiżguraw li n-negozju jista’ jinbiegħ bħala negozju avvjat.

(36)

Minħabba dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Impenji Finali huma xierqa u suffiċjenti biex jitneħħa t-tħassib dwar il-kompetizzjoni imqajjem mit-Tranżazzjoni u jagħmluh kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim taż-ŻEE.

IX.   KONKLUŻJONI

(37)

Għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-konċentrazzjoni proposta mhijiex se xxekkel b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’xi parti sostanzjali minnu.

(38)

Konsegwentement, il-konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern u mat-tħaddim tal-Ftehim ŻEE, b’konformità mal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  Il-valur tal-bejgħ ikkalkolat skont l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat tal-Kummissjoni (ĠU C 95, 16.4.2008, p. 1).


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

22.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/11


Avviż mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità

Stedina għall-preżentazzjoni tal-offerti rigward l-operat ta’ servizzi tal-ajru bi skeda skont l-obbligi tas-servizz pubbliku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 107/06)

Stat Membru

Spanja

Rotot ikkonċernati

Gran Canaria — Tenerife Sur

Gran Canaria — El Hierro

Tenerife Norte — La Gomera

Gran Canaria — La Gomera

Perjodu ta’ validità tal-kuntratt

Sentejn wara l-bidu tal-operat

Skadenza għat-tressiq tal-offerti

Xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż

Indirizz minn fejn jistgħu jinkisbu t-test tal-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti u kwalunkwe informazzjoni u/jew dokumentazzjoni rilevanti marbuta mas-sejħa pubblika għall-offerti u l-obbligu tas-servizz pubbliku

Ministerio de Fomento

Dirección General de Aviación Civil

Subdirección General de Transporte Aéreo

Paseo de la Castellana 67

28071 Madrid

ESPAÑA

Tel. +34 915977505

Fax +34 915978643

E-mail: osp.dgac@fomento.es


V Avviżi

ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

22.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/12


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 107/07)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) iNru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Din il-pubblikazzjoni tieħu post id-Dokument Uniku ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali C 6 tad-9 ta’ Jannar 2016

DOKUMENT UNIKU

“FLÖNZ”

Nru tal-UE: DE-PGI-0005-01257 — 26.8.2014

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   L-isem

“Flönz”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Iil-Ġermanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Il-kategorija 1.2 Prodotti tal-laħam (imsajrin, immellħin, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Flönz” hu mazzit magħmul b’metodi tradizzjonali. Dan jappartjeni għall-grupp taz-zalzett imsajjar, sewwasew fil-grupp tal-mazzit. Dan il-mazzit għandu “kwalità sempliċi”, jiġifieri fih il-laħam tal-majjal għalkemm dan ma jkunx jidher. Il-mili tal-mazzit jitqiegħed f’tubi naturali jew sintetiċi li d-dijametru tagħhom ivarja minn 30 mm sa 65 mm. Meta jitqiegħed għall-bejgħ fit-tubi naturali jew sintetiċi, il-mazzit ikollu superfiċje tonda filwaqt li l-għamla tiegħu tkun tawwalija bħal ċilindru xi ftit imqawwes bit-truf tipiċi. Xi drabi l-mazzit ikun fit-tond qisu qagħqa. It-taħlita tal-mazzit ikollha lewn aħmar fil-kannella, imtebba’ bi bċejjeċ bojod tax-xaħam tal-majjal. U anki fuq barra, il-mazzit ikun aħmar fil-kannella.

Il-mazzit għandu konsistenza ratba iżda faċli biex jitqatta’ roti roti. Dan il-prodott jista’ jinkiseb frisk jew affumikat.

Il-mazzit jinbiegħ f’kontenituri ssiġillati, f’ġilda sħiħa jew biċċiet, u jitqatta’ roti roti bħala prodott konvenjenti (ippakkjat fil-vakum jew b’xi mod simili). Il-“Flönz” ma jinstabx fil-vażetti tal-ħġieġ, fil-laned jew f’kontenituri oħra.

Dan il-prodott irid ikollu biċċiet tax-xaħam tal-majjal li jkunu jidhru sew, iżda li ma jkunux jaqbżu l-25 % sa 30 % tal-piż. Il-biċċiet tax-xaħam tal-majjal ikollhom dijametru li jvarja minn 5 mm sa 10 mm. Il-kontenut tax-xaħam tal-“Flönz” frisk ikun bejn 25 % u 35 %; u l-valur tal-MPFCP (il-proteina tal-laħam mingħajr il-proteina tat-tessut konnettiv) ma għandux ikun inqas minn 8 %.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

L-ingredjenti:

ġilda tal-bejken frisk,

xaħam tal-majjal frisk jew iffriżat (ittowjat),

laħam tal-majjal,

laħam ta’ ras il-majjal (mhux bilfors),

demm tal-majjal,

taħlita ta’ mluħa nitrati,

ħwawar u ħxejjex aromatiċi (ħwawar u ħxejjex aromatiċi naturali biss, mingħajr aromatizzanti miżjuda u mingħajr estratti tal-ħwawar),

basal (mhux bilfors),

stokk tal-laħam (mhux bilfors),

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Kull pass tal-produzzjoni jrid isir fiż-żona ġeografika identifikata ħalli tkun żgurata l-kwalità tal-prodott tradizzjonali.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tinsab fl-Istat Federali Ġermaniż tat-Tramuntana tar-Renu-Westfalja, jiġifieri ż-żona li tkopri l-belt ta’ Cologne, il-bliet ta’ Leverkusen, Bergisch Gladbach, Rösrath, Wesseling, Brühl, Hürth, Frechen, Pulheim, Bonn, Neuss, Dormagen, Monheim, Ratingen u Düsseldorf u d-distrett ta’ Rhein-Sieg-Kreis.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Cologne hija l-akbar belt fiż-żona tal-produzzjoni u bejn wieħed u ieħor tinsab fin-nofs ġeografiku tagħha. Cologne tinsab fir-Renu, flimkien mal-bqija tal-bliet il-kbar ta’ Düsseldorf u Bonn kif ukoll kważi kull awtorità reġjonali oħra fir-reġjun. “Flönz” hu element importati fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival tassew intensivi li jsiru fiż-żona tal-produzzjoni. L-aktar famużi fosthom huma l-karnival li jsir Cologne u Düsseldorf, iżda anki fiż-żoni l-oħra, il-karnival hu żmien importanti tas-sena speċjalment għal kull komunità taż-żona. F’dawn il-festi, il-prodotti tradizzjonali huma karatteristika partikolari, fosthom il-“Flönz”, prodott li saħansitra jirnexxilu jgħaqqad liż-żewġ rivali ħelwin, Cologne u Düsseldorf, fi tradizzjoni kulinarja komuni.

Speċifiċità tal-prodott

Ir-reputazzjoni speċjali tal-“Flönz” ġejja mill-fatt li d-denominazzjoni u l-ikel jixhdu l-identità u l-uniċità taż-żona tal-produzzjoni. Il-“Flönz” hu maħsub biex jittiekel bħala mazzit tari u frisk. Dan jagħmlu ferm differenti, b’mod partikolari mill-bqija tal-mazzit fin-Nofsinhar tal-Ġermanja li ħafna drabi jinstab bħala prodott imnixxef, iebes u li jservi għal tul ta’ żmien. Sabiex tinżamm il-kwalità, jintuża biss xaħam tal-majjal frisk jew iffriżat, iżda mhux priżervat, għax ix-xaħam tal-majjal frisk jew iffriżat jagħmilha ferm aktar diffiċli biex issir l-ossidazzjoni, li wara ħafna żmien maħżun jitranġat. Ix-xaħam tal-majjal frisk jew iffriżat hu karatteristika tipika b’mod oġġettiv fiż-żona u ġejja mit-tradizzjoni ta’ dan it-tip ta’ produzzjoni fiż-żona.

Ir-reputazzjoni speċjali tal-“Flönz” tagħtihielu l-produzzjoni tiegħu fiż-żona ġeografika, u toħroġ fid-dieher mill-fatt li d-denominazzjoni u l-ikel jixhdu l-identità u l-uniċità taż-żona tal-produzzjoni. Il-“Flönz” hu l-ingredjent ewlieni ta’ wieħed mill-platti tradizzjonali, l-hekk imsejjaħ “Kölsch Kaviar” (il-kavjar ta’ Cologne) li jfeġġ f’kull menù tal-birreriji ta’ Cologne. Dan mhux kavjar, iżda “Flönz” bi ċrieki tal-basal. Il-“Himmel und Äd” (Il-Ġenna u l-Art”) hu “Flönz” mixwi, servut bix-xropp tat-tuffieħ u l-patata maxx. Il-kitbiet ippubblikati jisħqu fuq l-importanza tal-“Flönz” fil-kċina ta’ Cologne:

 

Franz Mathar u Rudolf Spiegel, Kölsche Bier- und Brauhäuser (Il-Birreriji ta’ Cologne), Cologne, 1989;

 

Peter Honnen, Kappes, Knies und Klüngel (Dizzjunarju Reġjoni tar-Renu), Cologne, 2003;

 

Berthold Heizmann, Von Apfelkraut bis Zimtschnecke (Il-Vokabolarju tat-Tisjir fir-Renu), Cologne, 2011;

 

Gerard Schmidt u Joachim Römer, Kölsch Kaviar un Ähzezupp (Ktejjeb tat-Tisjir ta’ Cologne), Cologne, 1990.

Rabta kawżali

Ir-reputazzjoni tal-“Flönz” u r-rabta tiegħu maż-żona ġeografika kibru b’mod organiku tul l-istorja twila tiegħu. Fi tmiem is-seklu 19, it-terminu “Flönz” kien diġà jintuża (Wrede, Neuer Kölnischer Sprachenschatz, Cologne 1956: 235).

Fl-1947, il-liriku Jupp Schlösser u l-kompożitur Dr Gerhard Jussenhoven kitbu ċajta fuq kemm sabuha diffiċli l-migranti biex ilissnu l-kliem sew bid-djalett ta’ Cologne. Dawn użaw il-ħoss tal-vokali “O” li kien jagħmilha diffiċli biex tingħad il-kelma “Blotwoosch” (Blutwurst — mazzit) u għalhekk kienu ssuġġerew is-sinonimu “Flönz”. L-għanja tagħhom, “Sag’ ens Blotwoosch” (Għid mazzit) tgħid xi ħaġa hekk:

“… Sag’ ens Blotwoosch… (…Għid Blotwoosch (mazzit)…)

Wäm dat Woot es zo schwer. (Jekk il-kliem hu diffiċli.)

Dä säht einfach Flönz…” (Għid Flönz…)

Fl-1980, Toni Steingass għamel xi ħaġa simili bl-għanja “Bunnefitschmaschinche” (Il-Magna tal-Fażola l-Ħadra):

“…Wä en Kölle uze well, (Jekk trid tinki f’Cologne)

da säht statt Blodwoosch Flönz, (Minflok Blotwoosch, għid Flönz,)

Un wä dat nit sage kann, (Jekk dil-kelma ma tistax tlissinha,)

dä stammp us der Provönz!…” (Allura inti tkun mill-provinċja!)

Aktar tard fl-1996, Gerd Köster u Frank Hocker kitbu l-għanja “Buure Säu” (Folk tal-Kampanja):

“…De Haupsaach es, de Flönz es god. (L-aqwa ħaġa hi li l-Flönz jinżel għasel.)

Alles andre es zo kompliziert…” (Il-bqija hu kkumplikat wisq.)

Fl-2011 Peter Millowitsch tella’ “Għal ftit Flönz” fit-teatru ta’ Cologne u kważi fl-istess żmien, tul il-karvinal tal-2011/12, it-teatru radikali ta’ Cologne imsejjaħ Stunksitzung għażel it-tema ewlenija “Il-Kölsch (birra tal-post) mal-Flönz biss. L-Ewro Flönz”.

It-terminu “Flönz” jintuża f’bosta arranġamenti soċjali biex tkun enfasizzata r-rabta speċjali li hemm bejn avveniment jew assoċjazzjoni u r-reġjun ta’ Cologne: wieħed mit-timijiet tal-basketball ta’ Cologne jismu “Flying Flönz I”. Il-Klabb tal-Jottijiet ta’ Cologne jieħu sehem fl-avveniment annwali msejjaħ ir-“Royal Flönz Cup”, u fl-2012, l-ewwel mawra tal-karozzi antiki li tellgħet Ahl Häre KG (l-għaqda tal-karnival) f’Pulheim issejħet it-“Tour de Flönz”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/41118


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.