ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 438

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 58
30 ta' Diċembru 2015


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Bank Ċentrali Ewropew

2015/C 438/01

Rakkomandazzjoni Tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2015 dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi (BĊE/2015/49)

1


 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 438/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7834 — Sumitomo Corporation/Sumitomo Mitsui Banking Corporation/PT Summit OTO Finance/PT OTO Multiartha) ( 1 )

4


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 438/03

Rata tal-kambju tal-euro

5


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 438/04

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.7889 — Engie/REC/TEN) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

6

2015/C 438/05

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.7900 — CVC Capital Partners/USS WAY LP/Moto Holdings) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

7

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 438/06

Il-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

8


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Bank Ċentrali Ewropew

30.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 438/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-17 ta’ Diċembru 2015

dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi

(BĊE/2015/49)

(2015/C 438/01)

IL-KUNSILL GOVERNATTIVI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(6) u l-Artikolu 132 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 34 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (2),

Billi:

Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkomplu jħejju għal applikazzjoni f’waqtha u sħiħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) f’ambjent makroekonomiku u finanzjarju ta’ sfida li jeżerċita pressjoni fuq il-profittabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u, bħala riżultat, fuq il-kapaċità tagħhom li jibnu l-bażijiet kapitali tagħhom. Barra minn hekk, waqt li huwa meħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiffinanzjaw l-ekonomija, politika ta’ distribuzzjoni konservattiva hija parti minn sistema ta’ ġestjoni adegwata tar-riskju u servizzi bankarji sodi. Għandu jiġi applikat l-istess metodu li ġie stabbilit fir-Rakkomandazzjoni BĊE/2015/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew (5),

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

I.

1.

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jistabbilixxu politiki ta’ dividendi billi jużaw suppożizzjonijiet konservattivi u prudenti sabiex, wara kull distribuzzjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali applikabbli.

(a)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa li jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli għall-kapital minimu (ir-“rekwiżiti tal-Pilastru 1”) f’kull ħin. Dan jinkludi proporzjon ta’ 4,5 % għall-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, proporzjon ta’ 6 % għall-kapital tal-Grad 1 u proporzjon tal-kapital totali ta’ 8 % kif stipulat fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(b)

Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa li jissodisfaw f’kull ħin ir-rekwiżiti kapitali li huma imposti bħala riżultat tad-Deċiżjoni applikabbli dwar ir-Reviżjoni Superviżorja u Proċess ta’ Evalwazzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tal-Pilastru 1 (“Rekwiżiti tal-Pilastru 2”).

(c)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa wkoll li jissodisfaw il-kapital kontroċikliku u l-bafers sistemiċi kif imsemmi fl-Artikolu 128(2), (3), (4) u (5) tad-Direttiva 2013/36/UE, u bafers oħrajn adottati minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti u dawk nominati.

(d)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa wkoll li jissodisfaw il-proporzjon tal-kapital tal-Ekwità Komuni ta’ Grad 1 li jkun “totalment mgħobbi” (6) il-proporzjon tal-kapital ta’ Grad 1 tagħhom u l-proporzjon kapitali totali tagħhom sad-data applikabbli għall-introduzzjoni sħiħa f’fażijiet. Dan jirreferi għall-applikazzjoni sħiħa tal-proporzjonijiet imsemmija hawn fuq wara l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji, kif ukoll għall-applikazzjoni tal-kapital kontroċikliku u l-bafers sistemiċi msemmija fl-Artikolu 128(2), (3), (4) u (5) tad-Direttiva 2013/36/UE, u l-bafers l-oħrajn kollha adottati minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti u nnominati. Id-dispożizzjonijiet tranżitorji huma stipulati fit-Titolu XI tad-Direttiva 2013/36/UE u fil-Parti Għaxra tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu ssodisfati kemm fuq livell ikkonsolidat kif ukoll fuq bażi individwali ħlief jekk l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti prudenzjali tkun ġiet irrinunzjata fuq bażi individwali, kif stipulat fl-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013,

2.

Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jħallsu dividendi (7) fl-2016 għas-sena finanzjarja 2015, il-BĊE jirrakkomanda li:

(a)    Kategorija 1 : Istituzzjonijiet ta’ kreditu li jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali applikabbli kif imsemmi fil-paragrafu 1(a) (b) u (c), u li jkunu diġà laħqu l-proporzjonijiet tagħhom li jkunu mgħobbija totalment kif imsemmi fil-paragrafu 1(d) fil-31 ta’ Diċembru 2015, għandhom jiddistribwixxu l-profitti netti tagħhom bħala dividendi b’mod konservattiv sabiex ikunu jistgħu jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha anki fil-każ ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ddeterjorati;

(b)    Kategorija 2 : Istituzzjonijiet ta’ kreditu li jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali applikabbli kif imsemmi fil-paragrafu 1 (a), (b) u (c) fil-31 ta’ Diċembru 2015 imma ma laħqux il-proporzjonijiet mgħobbija kollha kif imsemmi fil-paragrafu 1(d) fil-31 ta’ Diċembru 2015 għandhom jiddistribwixxu il-profitti netti tagħhom bħala dividendi b’mod konservattiv sabiex ikunu jistgħu jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha anki fil-każ ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ddeterjorati. Barra minn hekk, fil-prinċipju għandhom iħallsu biss dividend sakemm, bħala minimu, tiġi żgurata mogħdija lineari (8) lejn il-proporzjonijiet totalment mgħobbija kif imsemmi fil-paragrafu 1(d);

(c)    Kategorija 3 : Istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (c), fil-prinċipju m’għandhom iqassmu ebda dividend.

L-Istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jistgħux jikkonformaw ma’ din ir-Rakkomandazzjoni għaliex jikkunsidraw lilhom nnifishom li huma huma legalment meħtieġa li jħallsu dividendi għandhom jikkuntattjaw lit-tim superviżorju konġunt minnufih.

II.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lil entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 2(16) u (22) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

III.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata wkoll lill-awtorità nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet nominati fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 2(7) u (23) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17). L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet nominati huma mistennija li japplikaw din ir-Rakkomandazzjoni għal dawk l-entitajiet u gruppi, kif jidhrilhom li huwa xieraq (9).

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-17 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.

(3)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(4)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  Rakkomandazzjoni BĊE/2015/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta’ Jannar 2015 dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi (ĠU C 51, 13.2.2015, p. 1).

(6)  Il-bafers kollha fil-livelli totalment mgħobbija ħlief għall-bafer ta’ konservazzjoni kapitali, li għal raġunijiet metodoloġiċi jiġu ffissati fil-livell ta’ introduzzjoni gradwali tal-2016 għall-kalkoli mgħobbija totalment.

(7)  L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jista’ jkollhom diversi forom legali, eż. kumpaniji elenkati u kumpanniji mhux b’ishma konġunti bħal kumpaniji reċiproki, kooperattivi jew istituzzjonijiet ta’ tfaddil. It-terminu “dividend” kif użat f’din ir-rakkomandazzjoni jirreferi għal kwalunkwe tip ta’ ħlas fi flus kontanti li jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali.

(8)  Fil-prattika, dan ifisser li fuq perijodu ta’ erba’ snin li jibda fil-31 ta’ Diċembru 2014, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-prinċipju għandhom iżommu ta’ mill-inqas 25 % fis-sena tad-distakk lejn il-proporzjon ta’ kapital tagħhom mgħobbi totalment tal-Ekwità Komuni ta’ Grad 1, il-proporzjon tal-kapital tagħhom ta’ Grad 1 u l-proporzjon tal-kapital totali tagħhom, kif imsemmi fil-paragrafu 1(d).

(9)  Jekk ir-rakkomandazzjoni tiġi applikata lil entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni, li jikkunsidraw lilhom innifishom li ma jistgħux jikkonformaw għaliex jifhmu li huma legalment meħtieġa li jħallsu dividendi huma għandhom jikkuntattjaw minnufih lill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħhom.


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

30.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 438/4


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7834 — Sumitomo Corporation/Sumitomo Mitsui Banking Corporation/PT Summit OTO Finance/PT OTO Multiartha)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2015/C 438/02)

Fit-18 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32015M7834. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

30.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 438/5


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Id-29 ta’ Diċembru 2015

(2015/C 438/03)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,0952

JPY

Yen Ġappuniż

131,88

DKK

Krona Daniża

7,4629

GBP

Lira Sterlina

0,74005

SEK

Krona Żvediża

9,1567

CHF

Frank Żvizzeru

1,0846

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,5115

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,028

HUF

Forint Ungeriż

314,26

PLN

Zloty Pollakk

4,2364

RON

Leu Rumen

4,5370

TRY

Lira Turka

3,1878

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5056

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5241

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,4882

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5949

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5467

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 282,17

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

16,7598

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,1065

HRK

Kuna Kroata

7,6383

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 029,86

MYR

Ringgit Malażjan

4,7055

PHP

Peso Filippin

51,514

RUB

Rouble Russu

79,4319

THB

Baht Tajlandiż

39,518

BRL

Real Brażiljan

4,2187

MXN

Peso Messikan

18,8429

INR

Rupi Indjan

72,6458


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

30.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 438/6


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.7889 — Engie/REC/TEN)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2015/C 438/04)

1.

Fit-18 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriżi E.CL SA, bażikament ikkontrollata minn Engie SA (“Engie” ta’ Franza) u Red Eléctrica Chile SpA, bażikament ikkontrollata minn Corporación Red Eléctrica SA (“REC” ta’ Spanja) jakkwistaw fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt tal-impriża Transmisora Eléctrica del Norte, SA kollha kemm hi (“TEN” taċ-Ċili) permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Engie hija attur globali tal-enerġija u operatur espert fit-tliet setturi ewlenin tal-elettriċità, tal-gass naturali u servizzi tal-enerġija;

REC tħaddem il-grid tal-elettriċità nazzjonali u s-sistema ta’ trasmissjoni tal-enerġija fi Spanja u hija attiva wkoll f’xi pajjiżi fl-Amerika t’Isfel;

TEN bħalissa ma hemm l-ebda attività fis-suq iżda se tiżviluppa u topera linja ta’ trażmissjoni elettrika fiċ-Ċilì.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-e-Mail lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta’ referenza M.7889 — Engie/REC/TEN fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


30.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 438/7


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.7900 — CVC Capital Partners/USS WAY LP/Moto Holdings)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2015/C 438/05)

1.

Fit-18 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha CVC Capital Partners SICAV-FIS SA (“CVC Group”, il-Lussemburgu) u Universities Superannuation Scheme Limited (“USS”, ir-Renju Unit) jakkwistaw, fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Għaqdiet, il-kontroll konġunt tal-impriża Moto Holdings Limited (il-“Mira”, ir-Renju Unit) permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal CVC Group: konsulenza lil u ġestjoni ta’ fondi tal-investiment;

—   għal USS: taġixxi bħala fiduċjarja korporattiva unika tal-Universities Superannuation Scheme, li hija waħda mill-akbar fondi tal-pensjoni għas-settur privat fir-Renju Unit. L-iskema jamministra l-iskema tal-pensjoni prinċipali għall-persunal akkademiku u persunal komparabbli fl-universitajiet tar-Renju Unit u istituzzjonijiet oħra tal-edukazzjoni għolja u ta’ riċerka;

—   għall-Mira: it-tħaddim ta’ żoni ta’ servizz fl-awtostradi fir-Renju Unit bl-isem kummerċjali “Moto”.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-e-Mail lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta’ referenza M.7900 — CVC Capital Partners/USS WAY LP/Moto Holdings, f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

30.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 438/8


Il-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 438/06)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“PATATA DEL FUCINO”

Nru tal-KE: IT-PGI-0005-01217 — 21.3.2014

IĠP ( X ) DOP ( )

1.   Isem

“Patata del Fucino”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħxejjex u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

Id-denominazzjoni “Patata del Fucino” tindika t-tuberi maturi tal-ispeċi Solanum tuberosum tal-familja tas-Solanacee, miksuba bl-użu taż-żrieragħ tuberużi ta’ varjetajiet ta’ patata li huma reġistrati fil-katalgu komuni tal-varjetajiet tal-pjanti agrikoli.

It-tuberi huma ta’ qies (id-dijametru) akbar minn 35 mm u ma jikbrux akbar minn 80 mm. Għandhom forma bejn tonda u tonda-ovali, ovali, ovali tawwalin. Il-qoxra ma titqaxxarx mill-polpa; il-ġewwieni hu iebes u ma jċedix għall-pressjoni u l-kulur hu tipiku tal-varjetà: bejn abjad għal sfumaturi varji ta’ isfar. Il-parti li tittiekel mhix iżgħar minn 95 %.

Il-karatteristiċi kimiċi (għal kull 100 g tal-parti li tittiekel) huma dawn: Ir-residwu xott ≥ 14, il-lamtu ≥ 8 g, il-potassju ≥ 300 mg, il-fosforu ≥ 35 mg.

Il-“Patata del Fucino” tinġabar meta l-patata tkun saret kompletament, minn tmiem Lulju “l quddiem. Il-patata tinħażen f’kontejners xierqa u tista” tinżamm sa tmiem ix-xaħar ta’ Mejju ta’ wara l-ħsad mingħajr ma titlef il-karatteristiċi tipiċi tagħha.

Tolleranzi għall-kwalità

Il-patata eliġibbli għall-protezzjoni, meta tiġi kkummerċjalizzata fl-imballaġ magħżul, għandha jkollha l-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

uniformità fid-daqs tat-tuberi: id-daqs tat-tuberi ma għandux ikun iżgħar minn 35 mm jew aktar minn 80 mm; id-differenza massima permessa fil-pakketti individwali hi ta’ 20 mm.

(b)

It-tuberi għandhom ikunu sħaħ, sodi, imnaddfa, mingħajr nibet u ħielsa minn ħsara bijotika jew abijotika.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-“Patata del Fucino” għandha tinżera’, titkabbar u tinġabar fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-patata għandha tinħażen f’kontenituri (bins) f’temperatura ta’ 4-10 °C b’umdità relattiva ta’ bejn 88 % u 95 %.

It-tuberi jistgħu jinżammu wkoll fil-friġġ għal perjodi twal, iżda mhux aktar minn disa’ xhur.

Jistgħu jsiru trattamenti biex jiġi evitat in-nibet fuq tuberi maħżunin f’konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Meta tigi kkummerċjalizzata għall-finijiet ta’ konsum l-IĠP “Patata del Fucino” għandha tiġi ppakkjata b’dawn il-modi:

xkejjer ta’ 5 kg – 20 kg;

xbieki ta’ 1,5 kg – 2 kg – 2,5 kg;

pakketti: vertbag, quickbag, girsac u borża ta’ 1,5 Kg – 2,5 kg – 2,5 kg – 5 kg;

kartuna jew kaxxa ta’ bejn 3 kg sa massimu ta’ 20 kg.

Kull tip ta’ imballaġ għandu jkun fih patata mnaddfa (mibruxa u/jew maħsula) u għandha tiġi ssiġillata b’tali mod li t-tuberi ma jistgħux jinqalgħu mingħajr ma jitqattal-imballaġ, għajr il-kartun u l-kaxex.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-tikketta li tidher fuq l-imballaġġ, barra s-simbolu tal-Unjoni Ewropea u t-tagħrif korrispondenti rikjest mil-liġi, għandha turi wkoll dawn l-indikazzjonijiet:

“Patata del Fucino” segwita mit-taqsira IĠP jew mill-kliem Indicazione Geografica Protetta [Indikazzjoni Ġeografika Protetta];

isem jew isem il-kumpanija u l-indirizz jew is-sede tal-produttur uniku u/jew issieħeb u/jew dak li jippakkja l-prodott;

il-piż nett oriġinali;

tip,

dan il-logo:

Image

Ma tista’ tiżdied l-ebda deskrizzjoni li ma tkunx espressament prevista.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-limitu taż-żona ġeografika tat-tkabbir hu individwat mit-triq provinċjali Circonfucense u ż-żona tinkludi bċejjeċ tat-territorju, suddiviż b’toroq tal-għelieqi fi ħbula tal-art numerati, li jappartjenu għall-muniċipalitajiet li ġejjin tal-provinċja ta’ L’Aquila: Avezzano; Celano; Cerchio; Aielli; Pescina; S. Benedetto dei Marsi; Ortucchio; Trasacco; Luco dei Marsi.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-“Patata del Fucino” titkabbar fil-qiegħ tal-lag li jġib l-istess isem il-“Fucino” li tnixxef u ġie riklamat fl-1875. Din iż-żona hi 700 metru ‘il fuq mill-baħar.

L-elementi morfoloġiċi prinċipali taż-żona ħolqu tliet żoni distinti: il-qiegħ tal-lag l-antik; żona terrazzata f’għoli ta’ bejn 670 u 720 metru; u żona b’morfoloġija kumplessa ‘il fuq miż-żewġ żoni l-oħrajn.

Minħabba l-preżenza tal-baċir tal-lag l-antik, inġabar sediment li għeleb l-effetti tal-erożjoni.

Il-ħamrija hi bil-ħama u fiha ħafna ġir totali u attiv b’riżultat tan-natura karbonatika tas-sedimenti pedoġeniċi. Ir-reazzjoni (pH) tiċċaqlaq bejn subalkalina u alkalina u hemm livelli ta’ sustanza organika, nitroġenu totali, fosforu assimilabbli u potassju li jista’ jiġi skambjat.

Il-kontenut għoli tas-sustanza organika hija preservata bħala riżultat tal-kwantitajiet kbar ta’ demel imqiegħed b’mod regolari mill-bdiewa.

Il-kompożizzjoni tal-ħamrija tippermetti skular tajjeb u l-iżvilupp normali ta’ tuberi uniformi u regolari.

Il-karatteristiċi partikolari tat-territorju, magħluq imdawwar bil-mutanji, ifisser li ma jkunx affettwat mill-baħar li hu fil-lvant, 80 km biss ‘il bogħod. Minflok, dan għandu karatteristiċi tipiċi ta’ klima kontinentali bi xtiewi ħorox ħafna u b’ħafna xita u sjuf sħan ta’ spiss umdi.

Matul l-istaġun produttiv, il-varjazzjoni tat-temperatura bejn il-jum (viċin it-30 °C) u l-lejl (10 °– 15 °C) tiddetermina kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir tax-xitla.

Il-kapaċità tajba taż-żamma tal-ilma tal-ħamrija u t-tlugħ tal-ilma permezz tal-kapillarità mill-akwiferi sottostanti, flimkien man-nida spissa ta’ fil-għodu, jiżguraw li r-raba’ mhu qatt nieqes mill-ilma.

Ix-xita, il-borra, u n-nida karatteristika li ta’ spiss toħloq mikropreċipitazzjoni jgħaqqdu l-profil klimatiku taż-żona.

Fiż-żona hemm provvista tajba tal-ilma grazzi għan-nixxigħat u x-xmajjar li jinżlu mill-muntanji li jdawru l-pjanura u n-netwerk ġeometriku ta’ kanali. Dan tal-aħħar inbena b’mod speċjali bħala parti mix-xogħlijiet ta’ inġinerija idrawlika mill-entità “Ente Fucino”, li f’dak iż-żmien tar-riforma agrarja (1950), kienet għadha kif twaqqfet bl-iskop doppju: li jiġi żviluppat l-iskular tal-art u l-użu tal-ilma għall-irrigazzjoni tar-raba’ biex b’hekk jiġu ottimizzati l-kundizzjonijiet tal-koltivazzjoni għall-produtturi.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-“Patata del Fucino” hi differenti minn patata mkabbra f’żoni oħra minħabba l-polpa karatteristika tagħha li tagħmilha adatta kemm għall-konsum domestiku kif ukoll għall-użu industrijali. Il-“Patata del Fucino” għandha polpa soda li ma ċċedix għall-pressjoni u l-qoxra ma titqaxxarx mill-polpa. Meta tissajjar bil-fwar, il-polpa tippreżnta granulazzjoni pjuttost fina u ma turix sinjali ta’ swidija wara li tissajjar (after cooking blackening). Barra minn hekk, karatteristika oħra partikolarment apprezzata hija l-kapaċità li ma ssirx kannella meta tinqela. F’panel test esegwit minn assaġġaturi mħarrġa, il-“Patata del Fucino” ġiet iġġudikata li għandha togħma pjaċevoli jew togħma qawwija ħafna ta’ patata li, wara li tittiekel, ma tħalli l-ebda togħmiet negattivi (ta’ metall, ħaxix, eċċ.). Dawn il-karatteristiċi organolettiċi jibqgħu anke wara xhur ta’ konservazzjoni.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

Iċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-“Patata del Fucino” jinfirex fuq l-istaġuni kollha taż-żona ġeografika: tinżera’ fir-rebbiegħa, tikber u tipproduċi fis-sajf; tinħasad, meta biss tkun kompletament matura, tard fis-sajf/il-ħarifa. Dan ifisser li l-patata tibbenefika mill-effett klimatiku tal-istaġuni differenti.

Il-kwalità tal-“Patata del Fucino” hi marbuta mal-kondizzjonijiet tat-tkabbir provduti minn dak li kien il-qiegħ tal-lag. Il-karatteristiċi speċifiċi tal-art ifissru li l-patata tista’ tiġi kkoltivata b’mod naturali b’tali mod li tagħti lill-prodott il-karatteristiċi organolettiċi tipiċi tiegħu.

Il-ħamrija ħafifa, friska, prevalentement bil-ħama u fertili ħafna hi għanja b’mod naturali b’nutrijenti makro u mikro, b’sustanza organika u bil-ħumus li jirriżulta minnu, prodott mis-sediment ta’ materjal organiku li jinġabar matul is-sekli, li jiżgura li ma ssir l-ebda ħsara u/jew xquq fuq wiċċ il-patata matul it-tkabbir jew il-ħsad biex b’hekk jiżviluppa f’tuberu b’forma regolari bil-qoxra mwaħħla sew mal-polpa.

Il-kondizzjonijiet klimatiċi deskritti (il-kompożizzjoni tal-ħamrija, it-tlugħ kapillari tajjeb, it-temperatura, l-ilma għall-irrigazzjoni) jagħmlu ż-żona tal-Fucino tajba għat-tkabbir tal-patata. Grazzi għall-esperjenza estensiva tal-produtturi lokali, l-isforzi kontinwi biex jittejbu t-tekniki agrikoli bi preferenza għall-metodi ekoloġiċi, u l-protezzjoni tal-ambjent tal-koltivazzjoni, din iż-żona tipproduċi patata ta’ kwalità għolja li minn dejjem ġiet apprezzata u hija magħrufa fis-suq nazzjonali.

Mill-2002, ħafna produtturi assoċjati taż-żona tal-Fucino jipproduċu patata skont l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-“produzzjoni integrata” u adottaw speċifiċità marbuta b’mod espliċitu mal-“Patata del Fucino”; dan juri l-użu tal-isem ukoll fil-lingwaġġ kummerċjali/tal-produzzjoni agrikola.

Kien hemm diversi artikli ppubblikati f’rivisti settorjali fejn tissemma’ id-denominazzjoni “Patata del Fucino”, fosthom “L’informatore Agrario”. Dan jgħid li l-Fucino hu żona tajba ħafna għall-produzzjoni tal-patata u li l-Fucino huwa lokalità fejn jiġu ttestjati l-varjetajiet tal-patata:

“Le varietà di patata coltivate in Italia e la loro destinazione d’uso” (paġna 61, il-ħarġa 2/2002);

“Ecco perchè in Italia non si produce patata da seme” (paġni. 34-36, il-ħarġa 46/2008);

“Produzione di patata da seme: contributo per la valorizzazione dell’agricoltura montana” (paġni 27-29, il-ħarġa 18/97);

“Sperimentazione varietale 1998 su patata comune nel centro e nel nord” (paġni 39-46, il-ħarġa 48/98).

Matul is-snin, saru ħafna attivitajiet mill-operaturi lokali li jippromwovu u jagħtu valur lill-“Patata del Fucino” fosthom jissemmew:

mill-1971 is-“Sagra della Patata” li tkun organizzata fil-Fucino, preċiżament fil-muniċipalità ta’ Avezzano;

fl-2008, is-sena internazzjonali tal-patata dikjarata mill-FAO, il-bdiewa tal-Patate del Fucino taw appoġġ tekniku u għodda agrikoli liz-Zadrima tal-Albanija fl-ambitu tal-proġett ta’ kooperazzjoni “Progetto Albania”.

fl-2001, ġiet dedikata puntata tal-programm televiżiv “Il Gusto” lill-Patata del Fucino li xxandret fuq l-istazzjoni televiżiv Canale 5;

fl-1993 f’puntata tal-programm Linea Verde, imxandar mir-RAI, inxterdet ir-reputazzjoni tal-Patata del Fucino fuq il-livell nazzjonali.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

Din l-amministrazzjoni varat il-proċedura nazzjonali ta’ oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tal-IĠP “Patata del Fucino” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 37 tal-14 ta’ Frar 2014.

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit tal-Internet li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew

billi żżur il-paġna uffiċjali tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tagħfas fuq “Prodotti DOP IGP” (fuq in-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fil-ġenb, fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.