ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 423

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 58
17 ta' Diċembru 2015


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Regjuni

 

Il-114 Sessjoni Plenarja mit-12 sal-14 ta' Ottubru 2015

2015/C 423/01

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

1

2015/C 423/02

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali: jinħtieġ qafas regolatorju aħjar?

7

2015/C 423/03

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK)

13

2015/C 423/04

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-ġejjieni tal-akkwakultura Ewropea

20

2015/C 423/05

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Suq Uniku Diġitali

24

2015/C 423/06

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva

30

2015/C 423/07

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strumenti finanzjarji b'appoġġ għall-iżvilupp territorjali

35

2015/C 423/08

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Aġenda tal-UE dwar Regolamentazzjoni Aħjar

41

2015/C 423/09

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Abbozz ta’ Baġit tal-UE għall-2016

48

2015/C 423/10

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn ftehim dinji dwar il-klima f'Pariġi

53

2015/C 423/11

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-iżvilupp tal-potenzjal tal-Enerġija mill-Oċeani

58

2015/C 423/12

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija

64


 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

 

Il-114 Sessjoni Plenarja mit-12 sal-14 ta' Ottubru 2015

2015/C 423/13

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ikel u għalf ġenetikament modifikati

72

2015/C 423/14

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-pakkett dwar it-trasparenza fiskali

76


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Regjuni

Il-114 Sessjoni Plenarja mit-12 sal-14 ta' Ottubru 2015

17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/1


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

(2015/C 423/01)

Relatur:

Luc VAN DEN BRANDE (BE/PPE), President tal-Uffiċċju ta' Kooperazzjoni Fjamminga-Ewropea

Dokument ta' referenza:

Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini

COM(2015) 145 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) fir-rigward tad-demokrazija parteċipattiva Ewropea

1.

ifakkar li ċ-ċittadini huma fil-qalba tal-proġett Ewropew. Id-demokrazija parteċipattiva Ewropea għandha titqies bħala d-dritt taċ-ċittadini Ewropej li jkunu involuti fil-politika Ewropea u jfasslu l-ġejjieni tal-Ewropa. It-Trattat (Art. 10(3)) jagħti lil kull ċittadin id-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

2.

jinnota li skont l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-istituzzjonijiet tal-UE huma meħtieġa jinformaw liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi, u jagħtuhom l-opportunità li jwasslu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma kollha ta’ azzjoni tal-Unjoni. L-istess artikolu jinkludi mandat espliċitu biex il-Kummissjoni Ewropea tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati sabiex tassigura li l-azzjonijiet tal-Unjoni jkunu koerenti u trasparenti;

3.

jinnota li d-dispożizzjonijiet dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej huma iktar speċifiċi minn dak li hu stipulat fl-Artikolu 11(1-3). L-Artikolu 11(4) dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ma jittrattax “l-istabbiliment tal-aġenda” iżda għandu l-prospettiva ta’ “att legali”; Għandu jiġi rikonoxxut li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, bħal strumenti demokratiċi diretti oħra f'livelli differenti, għandha toffri l-possibbiltà wkoll li ċ-ċittadini jinfluwenzaw l-aġenda ta' politika għat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi tal-UE;

4.

ifakkar li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija dritt taċ-ċittadini Ewropej. Dan għandu jintuża bħala attentat sabiex tinstab risposta għad-defiċit demokratiku Ewropew u biex tiġi pprovduta għodda għaċ-ċittadini Ewropej biex jitnaqqas id-distakk bejn iċ-ċittadini u l-politika Ewropea. Minħabba l-kriżi ekonomika u ta' fiduċja fl-UE, huwa kruċjali li jintużaw l-opportunitajiet kollha għal djalogu miftuħ maċ-ċittadini u biex jiġi evitat li jsiru dejjem iżjed diżillużi bil-kunċett ta' integrazzjoni Ewropea. Dan huwa wkoll okkażjoni biex terġa’ tinkiseb u tinbena aktar il-fiduċja taż-żgħażagħ Ewropej li setgħu tilfu l-fiduċja fil-kunċett ta' integrazzjoni Ewropea. Demokrazija parteċipattiva msaħħa hija l-uniku mod kif tinżamm il-perspettiva tad-destin tal-UE u biex jingħata l-ġenb id-defiċit demokratiku; jinnota li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għandha l-għan li tinvolvi liċ-ċittadini aktar direttament fl-aġenda politika Ewropea u b’hekk tagħtihom id-dritt għal inizjattiva leġislattiva. Barra minn hekk, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, bħala strument transnazzjonali, għandha l-aspirazzjoni li jiġi stimulat dibattitu madwar l-Ewropa dwar kwistjonijiet ta’ tħassib għaċ-ċittadini Ewropej;

5.

jenfasizza li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej trid tiġi apprezzata fi ħdan kuntest realistiku b'ambizzjoni ċara u ffokata u gwida koerenti dwar il-passi li permezz tagħhom dawn jistgħu jingħataw:: mhijiex sostituta għad-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li wassal biex isir progress fl-approfondiment tal-Unjoni u jrid ikompli; l-ECI tikkompleta d-diversifikazzjoni tad-dinamika leġislattiva u tagħti dimensjoni transnazzjonali; hija kanal addizzjonali għal fehim reċiproku fen il-Kummissjoni Ewropea stess għandha l-vantaġġ; għandha l-potenzjal li tkun eżempju tajjeb ħafna ta' “demokrazija fl-azzjoni”;

6.

mingħajr ħsara għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, jisħaq li hu importanti li jitħeġġu fil-livell reġjonali u lokali l-inizjattivi kollha li jistimolaw it-trasparenza, il-kooperazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-Ewropej fil-politiki pubbliċi, f’konformità mal-prinċipju tad-demokrazija parteċipattiva. Barra minn hekk l-involviment meħtieġ tal-gvernijiet reġjonali u lokali huwa ispirat mill-fatt li l-ECI ħafna drabi tinvolvi oqsma ta’ politika li għalihom huma kompletament jew parzjalment kompetenti;

7.

huwa tal-opinjoni li għandna nsaħħu l-istrumenti ta’ parteċipazzjoni legali u politiċi tagħna sabiex naslu għal arkitettura ta’ governanza mġedda abbażi tal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli. Il-governanza f’diversi livelli hija essenzjalment imsejsa fuq diversi kanali (“multi-channelled”) u għalhekk tippermetti għal ċittadinanza Ewropea aktar “attiva”. L-isfida hija li tipprovdi għal sistema ta’ rappreżentazzjoni tal-interessi innovattivi fejn in-nies iħossuhom rappreżentati fuq bażi ugwali fl-identitajiet differenti tagħhom;

8.

jenfasizza li spazju pubbliku Ewropew għal dibattitu bejn iċ-ċittadini u ma' dawk li għandhom il-poter huwa importanti għal-leġittimità u r-responsabbiltà tal-UE. Id-defiċit demokratiku jista’ jiġi eliminat biss jekk tinħoloq sfera pubblika Ewropea li fiha huwa inkorporat il-proċess demokratiku;

9.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu importanza partikolari lid-demokrazija parteċipattiva għax b’hekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jkunu involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet u jwettqu r-rwol tagħhom;

10.

huwa tal-fehma li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għandha tiġi kkunsidrata bħala wieħed mill-istrumenti biex jinkisbu l-għanijiet ta’ demokrazija parteċipattiva, iżda m’għandux ikun mistenni li, b’din l-inizjattiva, l-involviment taċ-ċittadini fil-proċess Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet isir b’mod awtomatiku;

11.

jinnota li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija l-espressjoni tad-demokrazija parteċipattiva li tikkomplementa l-idea ta' demokrazija rappreżentattiva; hija ssaħħaħ l-għadd ta' drittijiet relatati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u d-dibattitu pubbliku dwar il-politika Ewropea; għandha ssaħħaħ is-sjieda tal-Unjoni taċ-ċittadini u l-identifikazzjoni tagħhom magħha;

12.

jinnota li mezzi oħra ta’ demokrazija parteċipattiva, pereżempju tipi oħra ta' djalogu maċ-ċittadini u l-involviment ta’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, m’għandhomx jiġu traskurati, minħabba li l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej jiffukaw fuq kwistjoni waħda ta’ politika speċifika u jitolbu miżuri kkoordinati u riżorsi finanzjarji sostanzjali;

13.

f’dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproduċi rapport dwar kif id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huma implimentati u b’hekk jiġi ċċarat il-mod kif il-Kummissjoni tpoġġi fil-prattika d-demokrazija parteċipattiva;

14.

jaħseb jekk – meta wieħed iqis l-ammont limitat ta' inizjattivi li rnexxew – l-objettivi inizjali, kif stabbiliti fir-Regolament, ntlaħqux jew le, jiġifieri li kull ċittadin jingħata d-dritt li jipparteċipa fid-demokrazija Ewropea; iċ-ċittadini jingħataw l-opportunità biex ikellmu b'mod dirett lill-Kummissjoni; proċeduri ċari, sempliċi u faċli jintużaw;

15.

jinnota li l-Kummissjoni għamlet l-almu tagħha biex tamministra l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, iżda li min-naħa l-oħra kien hemm ħtieġa urġenti li jiġu riveduti ċerti aspetti tal-approċċ tagħha, u biex jittieħdu passi biex jiġu identifikati u rimedjati dawk il-miżuri li kienu legalistiċi u restrittivi żżejjed;

Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea

16.

jieħu nota tar-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, li jwettaq l-Artikolu 22 tar-Regolament, li skontu l-Kummissjoni hija meħtieġa tirrapporta kull tliet snin;

17.

jinnota li r-rapport jirrikonoxxi xi problemi u nuqqasijiet, iżda huwa prinċipalment rapport fattwali u tekniku, li janalizza s-sitwazzjoni wara tliet snin tal-applikazzjoni tar-Regolament. Ir-rapport jonqos milli jagħti tweġiba għan-nuqqasijiet li jistgħu jwasslu għat-tmiem ta’ din l-inizjattiva: “rivoluzzjoni demokratika li qatt ma seħħet”;

18.

jinnota li hemm sentiment komuni li l-Kummissjoni hija pjuttost kawta u restrittiva fl-approċċ u l-valutazzjoni tagħha u li din hija xi ħaġa li għandha tiġi mmonitorjata u kkritikata regolarment sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni;

19.

jiddikjara, abbażi ta' rapport mill-Kummissjoni, li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għandha potenzjal kbir – fi tliet snin 51 inizjattiva ġew proposti lill-Kummissjoni. Dawn l-inizjattivi ffukaw fuq diversi oqsma ta’ politika bħall-politika soċjali, l-ambjent, il-benessri tal-annimali, u l-edukazzjoni;

20.

jinnota min-naħa l-oħra li r-reġistrazzjoni ta' 20 (39 %) minn dawn il-51 inizjattiva kienet ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni, u ma għaddewx mit-test ta' ammissibbiltà, prinċipalment 'il għaliex dawn l-inizjattivi “manifestament waqgħu barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni bil-għan li jiġu implimentati t-Trattati”. Is-sitt organizzaturi tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej iddeċidew li jikkontestaw dawn ir-rifjuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

21.

jinnota li huma biss tliet inizjattivi s’issa li laħqu l-mira ta’ miljun firma. Il-mod li bih il-Kummissjoni se tagħti segwitu għal dawn l-inizjattivi ta’ suċċess ser jiddetermina primarjament jekk iċ-ċittadini Ewropej hux xorta se jagħtu importanza lill-Inizjattiva taċ-Ċittadini bħala mudell parteċipattiv;

22.

jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-għadd ta’ inizjattivi ppreżentati qed jonqos sistematikament (23 fl-2012, 17 fl-2013 u 10 fl-2014) u li l-għadd ta’ ċaħdiet qiegħed jiżdied (30 % fl-2012 u 50 % fl-2014); għaldaqstant jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tissemplifika l-kundizzjonijiet;

23.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej teħtieġ titjib sostanzjali u li għandhom jinstabu soluzzjonijiet li jippermettu użu aktar effiċjenti ta’ dan l-istrument;

24.

jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu approċċ aktar politiku lejn l-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u biex tagħti aktar spazju għal dibattitu, tkun aktar miftuħa u ma tillimitax il-kwistjoni għall-aspetti legali. Id-demokrazija, speċjalment f’ambjent istituzzjonali f’diversi livelli, timplika l-parteċipazzjoni attiva u l-iskrutinju min-naħa taċ-ċittadini, u tinvolvi responsabbiltà għall-istituzzjonijiet biex jistimolaw din il-parteċipazzjoni;

Rakkomandazzjonijiet għal Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ta’ suċċess fil-futur

a)   Kummenti ġenerali

25.

jinnota li kien ikun xieraq li ssir referenza għad-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadini u għall-prinċipju tas-sussidjarjetà għall-kriterji tal-eliġibbiltà;

26.

huwa tal-opinjoni li l-kunflitt ta' interess attwali tal-Kummissjoni li fl-istess ħin għandha tkun fornitur tal-informazzjoni ewlieni u struttura ta' appoġġ għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, hija d-'destinatarju' prinċipali għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, u taġixxi wkoll bħala 'imħallef' għad-deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni u l-ammissibbiltà tal-inizjattivi, huwa ta' ħsara serja għall-effettività tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fit-trawwim tal-parteċipazzjoni u l-fiduċja taċ-ċittadini;

27.

jenfasizza li dan il-kunflitt ta’ interess tal-Kummissjoni għandu jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet l-oħra jaqdu r-rwol tagħhom fil-proċedura tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (il-Kunsill, il-Parlament, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew);

28.

jissuġġerixxi li jista’ jkun aktar xieraq li jinħatar “kumitat ta’ għorrief” imparzjali u ad hoc, li jiġbor flimkien lil xi esperti, studjużi u/jew ġuristi, sabiex jivverifikaw l-ammissibbiltà, filwaqt li jiġi evitat li l-Kummissjoni tkun kemm l-imħallef kif ukoll il-ġurija;

29.

huwa tal-fehma li speċjalment il-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol ċentrali fit-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-proċeduri tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u fis-segwitu politiku, notevolment billi tittejjeb l-inklużività tas-seduti organizzati, u billi ssir pressjoni politika, fejn xieraq, fuq il-Kummissjoni Ewropea, biex tirrispondi b'mod f'waqtu u kostruttiv għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li jirnexxu;

30.

jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji tal-Istat tad-Dritt Ewropew fejn kwalunkwe evalwazzjoni arbitrarja ta’ eliġibbiltà għandha tiġi evitata. Barra minn hekk, hija kwistjoni ta’ “Governanza tajba” u mhux biss ta’ “Regolamentazzjoni Aħjar”. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-“responsabbiltà” f’konformità ma’ u r-rispett tat-Trattati;

31.

huwa favur valutazzjoni ex ante mtejba sabiex jiġu evitati d-diżappunti fl-aħħar. Fis-sitwazzjoni attwali sseħħ biss valutazzjoni ex post wara r-reġistrazzjoni u wara l-ġbir tal-firem;

32.

jissuġġerixxi li jiġi estiż il-perijodu ta’ ġbir ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal 18-il xahar;

33.

jappoġġja t-talba komuni tal-partijiet interessati u l-organizzaturi tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej biex jippermettu lil dawn tal-aħħar jagħżlu b'mod liberu d-data għall-bidu tal-ġbir tal-firem b'limitu ta' ħin definit b'mod ċar wara r-reġistrazzjoni; jissuġġerixxi li l-organizzaturi ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej jingħataw perijodu addizzjonali ta' xahrejn bejn ir-reġistrazzjoni u l-bidu tal-ġbir tal-firem, sabiex ikollhom l-opportunità li jinformaw aħjar liċ-ċittadini Ewropej u biex jiġi organizzat il-ġbir tal-firem;

34.

jappoġġja l-istabbiliment ta’ status legali għal kumitati taċ-ċittadini sabiex jittaffa r-riskju ta’ responsabbiltà personali għall-membri individwali tagħhom u biex tiġi ffaċilitata t-tmexxija tal-kampanji;

35.

jenfasizza li l-Kummissjoni m 'għandhiex tiddeċiedi b'mod arbitrarju li tirrifjuta l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej u għandha tressaq proposta leġislattiva fi żmien sena jekk taqbel ma' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ta' suċċess, kif inhi l-proċedura fir-rigward ta' inizjattivi parlamentari. F’dan il-perijodu ta’ sena, il-Kummissjoni tista’ tagħti l-implimentazzjoni gradwali għall-eżitu tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li twassal finalment għal proposta leġislattiva. Jekk le, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tiskadi;

36.

huwa tal-opinjoni li reviżjoni tar-Regolament hija essenzjali sabiex l-ostakli identifikati jkunu jistgħu jingħelbu. Reviżjoni ma tistax tkun kmieni wisq peress li dan huwa “esperiment” uniku b’eżiti li huma diffiċli li jitbassru. Huma meħtieġa interventi antiċipattivi u f’waqthom u b’mod li jiġi evitat l-iskoraġġiment ta’ organizzaturi potenzjali ta' Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej;

37.

huwa lest li jkompli jaħdem mal-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll mal-imsieħba interessati kollha fil-proċess li jeżamina l-operat tar-Regolament sa issa u li jikkontribwixxi għar-reviżjoni tiegħu, sabiex il-potenzjal ta' din l-għodda jkun jista' jiġi sfruttat bis-sħiħ;

38.

għaldaqstant jissuġġerixxi li tiġi esplorata l-possibbiltà ta' bidla fir-regolament tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej sabiex tkun tista' ssir ammissibbli wkoll proposta ta' Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej bl-għan ta' bidliet konkreti tat-Trattati tal-UE skont l-Artikolu 48 tat-TUE;

39.

jiddikjara li l-problemi li ma jeħtiġux tibdil fir-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej innifsu għandhom jiġu indirizzati malajr kemm jista’ jkun. Proċeduri sempliċi u trasparenti se jiddeterminaw is-suċċess futur tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;

b)   Modifiki u titjib għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li għandhom jiġu implimentati mingħajr dewmien

40.

jinnota li l-kummenti dwar il-proċeduri attwali u s-suġġerimenti għal titjib, magħmula minn diversi partijiet interessati u mill-organizzaturi tal-inizjattivi taċ-ċittadini, huma simili ħafna u li għalhekk għandu jkun possibbli li jsiru aġġustamenti u titjib mingħajr aktar dewmien;

41.

jirrimarka li huma estremament ftit iċ-ċittadini li jafu dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Indikazzjoni ta' dan in-nuqqas ġenerali ta' familjarità huwa referenzjat fi stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru (1) dwar il-perċezzjonijiet pubbliċi tal-UE f'sitt Stati Membri (l-Italja, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Portugall, il-Finlandja u l-Polonja) mal-kunċett tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li jirreġistraw biss fi kwalunkwe livell sinifikanti fuq ir-radar tal-konvenuti Ġermaniżi. Il-KtR għalhekk jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni konġunta mill-istituzzjonijiet tal-UE u livelli oħra ta' gvern biex in-nies isiru konxji dwar id-dritt tagħhom li jipproponu u jappoġġaw Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Għandhom jitniedu kampanji ta' informazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE, li jinvolvu l-awtoritajiet reġjonali u lokali, liema kampanji għandu jkollhom fil-mira diretta tagħhom iż-żgħażagħ, sabiex iċ-ċittadini jsiru konxji ta' dan id-dritt;

42.

jappella b'mod ġenerali għal sforzi ta' komunikazzjoni aktar effettivi dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u jenfasizza r-rwol tal-komunikazzjoni deċentralizzata f'dan il-kuntest. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol deċiżiv fit-tiswir u ż-żamma tal-komunikazzjoni bejn il-popolazzjoni inġenerali u l-istituzzjonijiet fil-livelli kollha tal-UE, u jistgħu jaqdu rwol kruċjali fil-wiri tar-rilevanza tal-mistoqsijiet politiċi fil-livell tal-UE liċ-ċittadini u fl-ispjegazzjoni dwar kif l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tista' tkun strument li tinfluwenza l-politika tal-UE. Jappoġġja l-idea biex jintużaw l-uffiċċji nazzjonali ta' rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea biex jinbnew netwerks tal-informazzjoni aktar b'saħħithom dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'dawn in-netwerks. Jekk l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tiddependi ħafna fuq teknoloġiji ġodda biex jinġabru l-firem fiż-żmien stipulat, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol essenzjali fit-tixrid tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni ta' kwistjonijiet minn u lejn iċ-ċittadini;

43.

itenni l-proposta tiegħu biex jiġi stabbilit punt ta' informazzjoni interistituzzjonali, li l-għan tiegħu għandu jkun li jiżdied l-għarfien ġenerali dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bħala strument, jippromovi l-użu tagħha, jipprovdi viżibilità minima għal inizjattivi taċ-ċittadini għaddejjin u ta' suċċess, u jwieġeb xi mistoqsijiet dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;

44.

huwa favur l-istabbiliment ta' helpdesk tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li jipprovdi għarfien tekniku u pariri dwar kif għandha tiġi organizzata u mmexxija kampanja ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, b'appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE. Helpdesk bħal dan għandu jkun distint minn kwalunkwe waħda mill-istituzzjonijiet tal-UE minħabba li n-newtralità hija element ewlieni tas-suċċess ta' din l-inizjattiva u jista' jgħin biex titrawwem il-fiduċja f'isem individwi li qed jikkunsidraw li jibdew inizjattiva taċ-ċittadini;

45.

huwa impenjat li jkompli l-kooperazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-organizzazzjoni ta' avveniment regolari “Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej”, li jistudja l-progress fl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tar-regolament, irawwem diskussjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-organizzaturi tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-isfidi ffaċċjati minn dawn tal-aħħar u jinkoraġġixxi d-djalogu bejn iċ-ċittadini u r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet dwar l-inizjattivi li qed jiġu żviluppati;

46.

jinnota li l-prattika tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej turi li t-taħriġ dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej forsi huwa importanti daqs l-Inizjattiva nnifisha. Huwa ovvju li l-Inizjattivi jeħtieġu l-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (persunal, mezzi finanzjarji) biex ikunu ta’ suċċess. Il-ġestjoni ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej minn ċittadini indiviwali, mingħajr appoġġ professjonali u finanzjarju estern, hija estremament diffiċli;

47.

jenfasizza li għad hemm wisq rekwiżiti u piżijiet li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv l-għanijiet tal-UE biex iċ-ċittadini jersqu iktar fil-qrib tal-UE u r-rieda taċ-ċittadini li jipparteċipaw fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE; l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għandha tkun xprun biex jiġu stimulati aktar nies sabiex jipparteċipaw b’mod attiv fil-politika tal-UE u jitnaqqas il-fehim ħażin li jirriżulta f'xettiċiżmu;

48.

jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa wkoll forom xierqa ta' rispons lil dawk l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li jirċievu appoġġ sinifikanti, iżda ma jissodisfawx il-kriterji formali kollha jew ma jilħqux il-miljun firma kollha, sabiex kwalunkwe messaġġ politiku sostanzjali ta' tali Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u l-mobilizzazzjoni li ħolqu, ma jiġux injorati kompletament;

49.

jinnota li ċ-ċittadini jixtiequ jipparteċipaw fil-politika pubblika, iżda ser jagħmlu dan biss jekk tkun sempliċi u effettivament tagħmel differenza. Iċ-ċittadini jridu jkunu jafu x’jiġri mill-inizjattivi li jappoġġjaw. Il-faċilitar ta' djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u s-sostenituri ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej huwa kruċjali għas-suċċess tal-Inizjattiva;

50.

jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibbiltà li tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-proċess li jqum ħafna flus tal-iżvilupp transnazzjonali organizzattiv (mill-Kumitat taċ-Ċittadini rilevanti) ta' Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li jikkonformaw ma' qasam politiku tal-kompetenza tal-Kummissjoni kif ukoll juru żieda fl-opinjoni ta' appoġġ popolari (jiġifieri jilħaq il-limitu ta' pass stabbilit, fi żmien stipulat, qabel il-marka tal-miljun firma li teħtieġ li ssir proposta leġislattiva). Dan għandu jgħin biex jinżamm il-fokus meħtieġ ibbażat fuq iċ-ċittadin għall-attivitajiet u biex tiġi żgurata t-trasparenza tal-finanzjament tal-ambizzjonijiet;

51.

jissuġġerixxi li fejn tali Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej jistgħu jirrigwardaw proposti b'impatt dimostrabbli u pożittiv biżżejjed fuq il-governanza lokali u reġjonali, fuq id-dimensjoni territorjali jew fuq is-sussidjarjetà biex jiksbu l-appoġġ minn qabel tal-Bureau tal-KtR, li l-KtR għandu jingħata l-kompitu li jissorvelja t-tħaddim tal-mekkaniżmu ta' finanzjament imsemmi hawn fuq kif ukoll li jipprovdi aktar għajnuna għall-isforzi promozzjonali;

52.

jenfasizza li r-rekwiżiti attwali definiti nazzjonalment għall-ġbir tad-dejta jikkostitwixxu ostakolu serju għall-ġbir ta' suċċess ta' firem u għaldaqstant jistieden b'mod urġenti lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jissemplifikaw ir-rekwiżiti tad-data personali tagħhom u biex jarmonizzaw ir-rekwiżiti fl-UE kollha mill-aktar fis possibbli;

53.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura t-trasparenza sħiħa fil-proċess deċiżjonali u b'mod partikolari, jistieden lill-Kummissjoni tispjega fid-dettall ir-raġunijiet għar-rifjut ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej jekk din għandha titqies li tkun 'manifestament barra mis-setgħat tal-Kummissjoni' u fl-istess ħin biex tinforma lill-organizzaturi dwar il-kunsiderazzjonijiet legali rilevanti, sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu jekk għandhomx jirrevedu l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tagħhom u jerġgħu jressquha f'forma modifikata;

54.

jistieden lill-Kummissjoni biex tispjega l-għażliet politiċi tagħha lill-pubbliku b’mod dettaljat u trasparenti fit-tweġiba formali tagħha lil Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li kisbet iktar minn miljun firma. Għandu jiġi żgurat segwitu politiku b'saħħtu;

c)   Il-kontribuzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali

55.

itenni l-offerta tiegħu li jassisti lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta’ jekk l-inizjattivi humiex konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà jew kif dawn jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali u l-kooperazzjoni transkonfinali;

56.

jenfasizza li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej toffri lill-Ewropej strument li jippermettilhom li jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċess tat-tfassil tal-politika Ewropea; għaldaqstant dawn l-inizjattivi m'għandhomx jiġu inizjati mill-istituzzjonijiet tal-UE. Madankollu, jirrikonoxxi r-rwol u r-responsabilitajiet tiegħu stess u jfakkar f’dan il-kuntest id-deċiżjoni tal-Bureau tiegħu (2) dwar l-involviment tal-KtR fl-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej. Itenni l-impenn tiegħu biex jappoġġja lill-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li jaqgħu taħt il-kompetenza politika tal-KtR u li huma meqjusa bħala politikament rilevanti, billi pereżempju: jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-iskrinjar tagħha ta' Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej proposti mill-perspettiva tar-rilevanza lokali/reġjonali tagħhom u s-sussidjarjetà; l-ospitar ta' avvenimenti relatati mal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, appoġġ għal azzjoni ta' komunikazzjoni deċentralizzata dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej; fejn xieraq, opinjonijiet fuq inizjattiva proprja dwar is-suġġett tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej; parteċipazzjoni attiva fis-seduti tal-PE u s-segwitu politiku; appoġġ tal-implimentazzjoni ta' Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej ta' suċċess u fejn xieraq il-leġiżlazzjoni bi tweġiba għalihom.

Brussell, it-13 ta' Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Ewrobarometru, Settembru 2014.

(2)  Il-144 laqgħa tal-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni, 10 ta’ April 2013, punt 8 – CDR1335-2013_11_00_TRA_NB-punt 8.


17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/7


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali: jinħtieġ qafas regolatorju aħjar?

(2015/C 423/02)

Relatur Ġenerali:

Is-Sur Nikola DOBROSLAVIĆ (HR, PPE), Prefett tal-Kontea ta' Dubrovnik-Neretva

I.   KUMMENTI ĠENERALI

Il-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

bi pjaċir jinnota li l-Gvern tal-Lussemburgu ddeċieda li jagħżel it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali bħala waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza tiegħu tal-UE u jilqa' l-isforzi, permezz tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet għal din il-kooperazzjoni, sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Ewropa u jiġi żviluppat il-potenzjal sħiħ taż-żoni sitwati fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri; il-prijoritizzazzjoni ta' din il-kooperazzjoni transkonfinali hija iktar u iktar importanti fil-kuntest attwali fejn jitqajmu dubji dwar il-moviment transkonfinali ħieles meta dan huwa wieħed mill-kisbiet ewlenin tal-integrazzjoni Ewropea;

2.

barra minn hekk, jilqa' l-appell biex jiġi stabbilit qafas regolatorju mtejjeb għall-kooperazzjoni transkonfinali, għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali speċifiċi li diġà jeżistu f'diversi aspetti ta' din il-kooperazzjoni kif ukoll għall-perfezjonament jew l-ikkomplementar tal-qafas legali attwali b'tali mod li tiġi faċilitata l-adozzjoni ta' regoli speċifiċi skont is-settur jew li jkopru ċerti żoni speċifiċi;

3.

jisħaq fuq kemm il-kooperazzjoni transkonfinali tista' tkun importanti għall-iżvilupp urban u rurali u jinnota li, permezz tal-kollaborazzjoni bejniethom, l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ewropa jistgħu jaqdu l-missjonijiet tagħhom b'mod iktar effettiv u, b'mod partikolari, jgħinu lir-reġjuni tal-fruntieri javvanzaw u jiżviluppaw;

4.

jenfasizza li ż-żoni tal-fruntieri huma testbeds uniċi għall-proċess tal-integrazzjoni Ewropea – fi kliem ieħor, huma żoni fejn ir-riżultati tat-tlestija tas-suq uniku u ta' politiki Ewropej oħra għandhom ikunu aktar faċli biex wieħed jarahom minn żoni oħra. Iż-żoni tal-fruntieri huma mid-definizzjoni tagħhom salib it-toroq partikolarment multidimensjonali fejn id-diversità tal-perspettivi u s-sinerġiji kulturali u lingwistiċi huma l-aktar b'saħħithom;

5.

jindika li fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena l-kooperazzjoni transkonfinali għamlet passi kbar fil-livell tal-UE, permezz tal-programm Interreg, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI), li jiffurmaw parti minnha, u permezz ta' forom oħra ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea; madankollu ir-riżultati miksuba s'issa għadhom mhumiex sodisfaċenti, f'termini ta' użu sħiħ tal-potenzjal ta' kooperazzjoni bħal din. Għalhekk għandha tingħata attenzjoni akbar għal aktar tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali li għandha tintrabat ma' strumenti oħra eżistenti (politika ta' koeżjoni, Orizzont 2020, għajnuna mill-Istat, eċċ.) sabiex reġjuni tal-fruntiera żvantaġġati jirċievu trattament speċjali;

6.

fid-dawl tal-isforzi li saru s'issa biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transkonfinali, bi pjaċir jinnota r-rwol li jaqdu d-diversi pjattaformi ta' kooperazzjoni reġjonali, sew jekk ikunu żoni funzjonali, makroreġjuni (l-Istrateġiji tal-Baħar Baltiku, tad-Danubju, tar-Reġjun Adrijatiku u Joniku u r-reġjun Alpin) jew awtoritajiet lokali u reġjonali;

7.

jenfasizza l-ambitu tal-istrumenti legali li ġew adottati għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali, inkluż il-Konvenzjoni Qafas Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Fruntieri bejn Komunitajiet jew Awtoritajiet Territorjali (1) li taħtha l-Istati Membri impenjaw ruħhom biex jiffaċilitaw u jħeġġu l-kooperazzjoni transkonfinali bejn il-komunitajiet jew l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġurisdizzjoni tagħhom u dawk taħt il-ġurisdizzjoni tal-partijiet kontraenti l-oħra. Hemm ukoll ir-Regolament dwar ir-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT) (2) u l-Grupp Ewropew b'Interess Ekonomiku (GEIE), li huma għodod ta' kwalità għolja biex jiżguraw li l-istrumenti legali huma stabbiliti għall-kooperazzjoni transkonfinali biex jiksbu spinta;

8.

ifakkar dwar ir-rwol li jaqdi r-REKT biex isostni u jippromovi l-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali bejn l-Istati Membri jew l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

9.

jenfasizza l-vantaġġ tal-flessibbiltà tar-REKT f'termini tal-kompożizzjoni tiegħu peress li jikkostitwixxi pjattaforma ta' governanza f'diversi livelli, li bis-saħħa tagħha l-awtoritajiet marbutin mal-livelli distinti li għandhom kompetenzi differenti jistgħu jaġixxu b'mod armonizzat, billi jadattaw għall-ħtiġiet ta' kull territorju;

II.   L-OSTAKLI GĦAT-TISĦIĦ TAL-KOOPERAZZJONI TRANSKONFINALI

10.

jenfasizza li l-iżvilupp tal-kooperazzjoni transkonfinali huwa mxekkel minn ostakli numerużi u li jdgħajfu t-tkabbir ekonomiku tar-reġjuni tal-fruntieri, kif ukoll l-ilħuq tal-objettivi tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Ewropa; barra minn hekk, josserva li din il-kooperazzjoni transkonfinali tiffaċċja ostakli imprevidibbli, li ħafna drabi jirriżultaw minn azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri u l-atturi reġjonali u lokali;

11.

jinnota li s-seminar organizzat mill-Presidenza Lussemburgiża u l-istħarriġ li wettqet ħarġu fid-deher ostakli sinifikanti li qed ixekklu mill-ġdid il-kooperazzjoni transkonfinali, pereżempju li huwa impossibbli li jitwettqu proġetti transkonfinali minħabba d-disparitajiet fl-oqfsa leġislattivi, fil-qasam tat-trasport, is-saħħa, l-ambjent, il-protezzjoni ċivili, eċċ, u anke l-asimetrija istituzzjonali bejn l-Istati Membri, minħabba d-diverġenzi tagħhom fil-livelli ta' organizzazzjoni territorjali, in-nuqqas ta' sigurtà legali li jbatu minnha l-entitajiet transkonfinali u s-servizzi kondiviżi, u l-inugwaljanzi fil-livell ta' żvilupp ekonomiku fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri, li jistgħu jiġu attribwiti għad-differenzi fl-ambjenti nazzjonali fil-qasam tal-liġi tax-xogħol, it-tassazzjoni u s-sigurtà soċjali, biex insemmu biss ftit eżempji;

12.

jirrikonoxxi wkoll li s-sistemi tal-kura tas-saħħa tar-reġjuni tal-fruntiera mhumiex kompatibbli, u dan jinkludi r-regolament tal-kura tas-saħħa pprovdut mis-servizzi ta' emerġenza – li, fil-każ tal-ħaddiema f'żoni koperti minn ġurisdizzjonijiet legali differenti, iqajjem il-kwistjoni ta' liema waħda minnhom tkopri lill-ħaddiema. Hemm problemi ta' nuqqas ta' qbil bejn il-fornituri tal-kura tas-saħħa u l-awtoritajiet pubbliċi fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera: hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel sabiex jinkiseb ir-rimbors tal-ispejjeż, pereżemju, li jfisser li l-popolazzjoni lokali ssibha diffiċli biex taċċessa s-servizzi tas-saħħa malajr u mill-qrib;

13.

barra minn hekk iqis li l-ostakli għall-kooperazzjoni transkonfinali identifikati mill-Presidenza Lussemburgiża bis-saħħa tal-istħarriġ tagħha huma biss eżempji ta' tali ostakli, u li minn issa għandu jsir eżami iktar sistematiku u komprensiv ta' dawn l-ostakli kollha;

14.

jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li sal-aħħar tal-2016, tħejji analiżi tal-ostakli, tas-soluzzjonijiet u l-eżempji ta' prattiki tajbin fil-kooperazzjoni transkonfinali; barra minn hekk jitlobha tinvolvi b'mod attiv lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, biex jieħu sehem fit-tħejjija ta' tali analiżi u f'valutazzjoni konġunta tar-riżultati;

15.

iqis li biex titħejja analiżi ta' kwalità għolja dwar l-ostakli għall-kooperazzjoni transkonfinali u biex issir riċerka dwar soluzzjonijiet adatti biex jiġu eliminati, jeħtieġ li tingħata definizzjoni preċiża tal-kunċett ta' “reġjun tal-fruntiera” kif ukoll li tingħata dejta rilevanti dwar din il-kooperazzjoni. F'dan ir-rigward jiddeplora n-nuqqas ta' statistika miż-żoni transkonfinali individwali dwar il-kooperazzjoni transkonfinali kif ukoll id-differenzi fil-metodi ta' kumpilazzjoni tal-istatistika fi ħdan l-Istati Membri individwali;

16.

jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu mill-istudji dwar l-ostakli transkonfinali li diġà twettqu fuq l-inizjattiva tar-reġjuni tal-fruntiera u bħala parti mill-programmi transkonfinali;

III.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

17.

jenfasizza l-fatt li l-kooperazzjoni transkonfinali teħtieġ li tiġi promossa u ffaċilitata, sabiex tiżgura l-iżvilupp bilanċjat tar-reġjuni kollha madwar l-Unjoni u sabiex tnaqqas id-disparitajiet bejn il-livelli tagħhom ta' żvilupp, skont l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament Ewropew; barra minn hekk jinnota li f'termini ta' xprunar tal-iżvilupp ekonomiku tagħhom, xi reġjuni tal-fruntiera huma fi żvantaġġ partikolari, b'mod speċjali meta hemm differenzi konsiderevoli fil-prosperità ekonomika meta mqabbla ma' żoni oħra tal-fruntiera li jibbenefikaw mill-post tagħhom. Dan huwa minnu wkoll għaż-żoni li jmissu ma' pajjiżi terzi u fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Ewropa; b'mod partikolari minħabba l-iżvantaġġi li jiffaċċjaw ċertu reġjuni jsejjaħ għal osservazzjoni aktar rigoruża tad-dispożizzjonijiet dwar il-koeżjoni territorjali stabbiliti fl-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

18.

jenfasizza l-importanza konsiderevoli ta' sforzi kontinwi biex jiġu eliminati l-ostakli għall-kooperazzjoni transkonfinali – sfida kostanti – filwaqt li japprofondixxi l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea. Għalhekk jilqa' l-inizjattivi ta' natura leġiżlattiva u jissuġġerixxi wkoll li l-importanza tal-kooperazzjoni transkonfinali tiġi riflessa b'mod adegwat fl-allokazzjoni finanzjarja għall-iżvilupp ulterjuri ta' din il-kooperazzjoni;

Il-qafas legali eżistenti u l-proposta ġdida tal-Presidenza Lussemburgiża tal-UE

19.

jenfasizza li fit-tfittxija ta' soluzzjoni biex jitneħħew l-ostakli għall-kooperazzjoni transkonfinali li ġew notati u fir-rigward tar-riżultat tal-programm ta' azzjoni għat-tnaqqis tal-piż burokratiku fl-Unjoni Ewropea (REFIT) (3), bħala punt ta' tluq għandhom jittieħdu d-dispożizzjonijiet attwali li jirregolaw din il-kooperazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom;

20.

ifakkar li bis-saħħa tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Qafas Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropea dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Fruntieri bejn Komunitajiet jew Awtoritajiet Territorjali, il-pajjiżi firmatarji ħadu l-impenn li jagħmlu sforz biex isolvu d-diffikultajiet ta' natura legali, amministrattiva jew teknika li fihom infushom ixekklu l-iżvilupp u t-tħaddim tajjeb tal-kooperazzjoni transkonfinali u li jaħdmu flimkien biex isolvu dawn id-diffikultajiet;

21.

jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva riċenti tal-Presidenza Lussemburgiża li tippreżenta abbozz ta' proposta għal strument legali ġdid bl-għan li jawtorizza lill-Istati Membri kollha milquta minn xi proġett speċifiku transkonfinali biex jaqblu dwar qafas legali maħluq mil-liġijiet eżistenti ta' dawn l-Istati Membri u li jkun applikabbli biss għal dan il-proġett speċifiku transkonfinali. Dan jikkontribwixxi għal koeżjoni f'żoni transkonfinali. Għalkemm huwa relatat ma' inizjattivi li mhux neċessarjament jinvolvu finanzjament tal-UE, din l-għodda tirrappreżenta kontribut siewi għad-dibattitu li qed jitħejja dwar il-futur tal-kooperazzjoni transkonfinali u l-għanijiet tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE kollha kemm hi;

22.

jinnota li għodda waħda għat-titjib ta' kooperazzjoni transkonfinali fil-livell tal-UE diġà teżisti fir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar taggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT), kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 1302/2013, bl-għan li jimplimenta u jimmaniġja proġetti ta' kooperazzjoni transkonfinali taħt regoli nazzjonali u proċeduri legali differenti; jinnota n-natura legali differenti taż-żewġ għodod: filwaqt li s-sistema legali REKT tapplika biss għall-membri tiegħu, il-proposta tal-Lussemburgu toħloq sistema legali li tkun applikabbli għal proġett speċifiku transkonfinali b'ambitu ġeografiku speċifiku;

23.

jilqa' s-simplifikazzjonijiet kollha li saru fir-Regolament emendat dwar ir-REKT li daħal fis-seħħ fit-22 ta' Ġunju 2014, li wħud minnhom kienu proposti mill-KtR, iżda huwa diżappuntat dwar il-fatt li xi Stati Membri damu sakemm adottaw dan ir-Regolament emendat dwar ir-REKT; għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri jirduppjaw l-isforzi tagħhom mill-ġdid biex jimplimentaw ir-Regolament u jiffaċilitaw il-ħolqien tar-REKT f'pajjiżhom, filwaqt li jqisu li dan jagħmilha possibbli li jkunu iktar flessibbli meta jistabbilixxu u jirreġistraw ir-REKT u biex jistabbilixxu l-kompiti tagħhom b'mod aktar ċar; madankollu jqis li għad ma kienx hemm biżżejjed żmien mid-dħul fis-seħħ tiegħu biex jiġi evalwat b'mod sħiħ l-ambitu tiegħu jew biex jiġi vvalutat l-impatt tiegħu fuq il-post;

24.

iqis li, minħabba l-eżistenza tar-Regolament dwar ir-REKT u l-potenzjal sħiħ li għandu fl-ispinta tal-kooperazzjoni transkonfinali meta jiġi traspost fis-sistemi legali tal-Istati Membri kollha, il-prinċipju ta' proporzjonalità għandu jiġi rispettat meta jiġi kontemplat li jinħolqu miżuri legali addizzjonali: iqis ukoll li hemm każijiet fejn strument legali ta' natura differenti minn dik tar-REKT setgħu kienu utli biex jingħelbu l-ostakli speċifiċi għal proġett partikolari ta' kooperazzjoni transkonfinali;

25.

jilqa' l-approċċ adottat mill-proposta biex jiġi avvanzat l-iżvilupp kwalitattiv tal-kooperazzjoni transkonfinali billi jiġi provdut strument ġenerali li ma joħloq l-ebda entità ġdida bħala persuna legali; fl-istess ħin jinnota progress lejn l-għan li jintużaw regoli definiti minn qabel għall-implimentazzjoni ta' inizjattivi komuni f'żewġ Stati Membri jew aktar, approċċ li jista' jitqies bħala rikonoxximent tas-suċċess tal-kunċett tar-REKT;

26.

jinnota li, f'dan l-istadju, il-proposta għal strument ġdid qed tqajjem numru ta' mistoqsijiet li se jeħtieġ li jiġu indirizzati kif suppost waqt id-dibattitu mistenni:

l-istabbiliment ta' reġim speċjali ta' derogi għal-liġi applikabbli sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transkonfinali jista' jaffettwa s-Suq Uniku u jaqa' lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 175(3) tat-TFUE, u għalhekk il-bażi legali ta' dan l-istrument legali jeħtieġ analiżi fil-fond;

Il-KtR jitlob li jiġu definiti b'mod aktar ċar l-oqsma ta' politika li fihom ir-Regolament il-ġdid ikun applikabbli, skont id-distinzjoni bejn il-kompetenzi tal-Unjoni u tal-Istati Membri u dawk li huma kondiviżi. F'dan ir-rigward, ma jidhirx li huwa biżżejjed li ssir referenza għad-dispożizzjonijiet dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (Artikoli 174-178 tat-TFUE);

l-istrument legali propost jista' jqajjem kwistjoni ta' natura kostituzzjonali, fis-sens li Stat Membru qed jiġi mistieden biex japplika fit-territorju tiegħu leġislazzjoni ta' territorju ieħor. Din is-sistema ta' eċċezzjonijiet u derogi tkun limitata għar-reġjuni tal-fruntieri u teħtieġ eżami iktar fil-fond – ladarba l-analiżi tan-nuqqasijiet li saret mill-Kummissjoni Ewropea tkun ikkonkludiet li hemm bżonn dispożizzjoni legali ġdida, ikun jeħtieġ li ssir analiżi legali komprensiva ta' tali regolament ġdid;

27.

jinnota li anke jekk il-missjoni u l-kompiti stabbiliti minn konvenzjoni tar-REKT huma limitati għar-raggruppament u l-membri tiegħu u li mhuwiex permess jadotta leġislazzjoni, jimplimentaha u jiżgura l-eżekuzzjoni, b'tali mod li ma jistax iservi bħala bażi biex jestendi dawn l-azzjonijiet għal-livell transkonfinali, ir-raggruppament xorta huwa awtorizzat biex jamministra l-infrastruttura pubblika, jipprovdi servizz pubbliku, jipprovdi servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, jimpenja u jiġġestixxi r-riżorsi pubbliċi biex jilħaq l-għanijiet tal-interess kollettiv, u huma wkoll attivitajiet konformi mal-prinċipji fundamentali tat-Trattat u l-interessi ġenerali tal-Istati Membri; f'dan ir-rigward iqis li r-regolament attwali dwar ir-REKT jipprovdi qafas legali tajjeb biex jittieħdu azzjonijiet bħal dawn, anke jekk għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu eżaminati alternattivi, li jistgħu jiffaċilitaw kooperazzjoni transkonfinali ġenerali f'reġjun speċifiċi;

Jeħtieġ li tittieħed azzjoni ta' sensibilizzazzjoni u informazzjoni għall-partijiet interessati dwar il-possibbiltajiet li tiġi żviluppata kooperazzjoni transkonfinali offruti mill-qafas legali eżistenti u, b'mod partikolari, ir-regolament dwar ir-REKT

28.

jenfasizza li biex ir-REKT jiġi sfruttat bħala mekkaniżmu ta' kooperazzjoni transkonfinali, il-problemi prinċipali jinħolqu minħabba: livell ta' sensibilizzazzjoni u informazzjoni insuffiċjenti, nuqqas ta' fiduċja, kif ukoll in-nuqqas ta' rieda politika meħtieġa, u, biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transkonfinali, jeħtieġ li ssir kampanja ta' sensibilizzazzjoni u informazzjoni iktar b'saħħitha fost l-atturi kkonċernati dwar il-possibbiltajiet tal-iżvilupp ta' din il-kooperazzjoni offruti mill-qafas legali eżistenti, u b'mod partikolari, ir-regolament dwar ir-REKT;

29.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jagħmlu sforzi addizzjonali, f'kollaborazzjoni mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, sabiex jiġi ċċarat u promoss ir-rwol li jista' jaqdi r-REKT, bħala strument li jintuża biex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet li jinqalgħu fil-livell lokali fir-reġjuni transkonfinali;

Iktar sempliċità fil-qafas legali u l-implimentazzjoni tiegħu

30.

jitlob li l-qafas leġiżlattiv ikun sempliċi kemm jista' jkun, fis-sens li kwalunkwe parti ġdida tar-regolament jew kwalunkwe emenda fuq dawk fis-seħħ għandhom jissimplifikaw il-proċeduri għat-tmexxija ta' proġetti transkonfinali, kemm jekk ikunu ffinanzjati mill-baġit tal-UE jew le, u jqis, f'dan ir-rigward, li l-proposta tal-Presidenza Lussemburgiża tal-UE tikkostitwixxi kontribut utli għad-dibattitu li se jsir dalwaqt dwar il-pakkett leġiżlattiv għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

31.

bi pjaċir jinnota li, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tad-demokrazija lokali, il-proposta tal-Presidenza Lussemburgiża tagħti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali rwol mexxej, peress li se jkun f'idejn ir-reġjuni u l-bliet fil-fruntieri li jieħdu l-inizjattiva għall-konklużjoni tal-ftehimiet transkonfinali Ewropej, li jidentifikaw id-dispożizzjonijiet legali għall-adattar, li jabbozzaw il-Konvenzjoni u jippreżentawha għall-adozzjoni finali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati;

32.

jipproponi li tiġi applikata proċedura ta' approvazzjoni simplifikata għar-REKT fejn diġà teżisti struttura li tkun ġiet stabbilita qabel, bħal ewroreġjun jew komunità ta' ħidma, skont il-Konvenzjoni Qafas Ewropea, adottata mill-Kunsill tal-Ewropa, dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Fruntieri bejn Komunitajiet jew Awtoritajiet Territorjali, tal-1980, u l-protokolli u l-ftehimiet bilaterali tiegħu li kienu ġew stabbiliti qabel;

33.

josserva, fir-rigward tal-idea tat-tfassil ta' strument legali biex iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni tal-fruntiera, li t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-Unjoni għandha tirrispetta l-funzjonijiet statali essenzjali tal-Istati Membri, inkluż l-iżgurar tal-integrità territorjali tal-Istat (Artikolu 4);

Adattar tal-mod kif jintużaw ir-riżorsi mill-fondi tal-UE

34.

jieħu nota tal-proċeduri differenti li japplikaw għall-implimentazzjoni u l-kontroll tal-eżekuzzjoni tal-proġetti ta' kooperazzjoni transkonfinali li fihom jieħdu sehem bosta msieħba minn Stati Membri u pajjiżi oħra li mhumiex, kif ukoll id-diffikultà li jitwettqu l-programmi u l-inizjattivi konċernati minħabba d-diversi parteċipanti. F'dan ir-rigward jinsisti li jiġu simplifikati iktar il-proċeduri ta' programmazzjoni u l-ġestjoni tal-programmi u l-proġetti transkonfinali finanzjati mill-UE, b'mod partikolari għat-twettiq tal-proġetti transkonfinali fuq skala żgħira u limitati li ser jiġu applikati b'mod uniformi għall-partijiet interessati kollha, u jixtieq li jinstab mod ta' ħidma sempliċi u rapidu biex, fil-livell amministrattiv u legali, tiġi solvuta l-kwistjoni tal-implimentazzjoni tagħhom;

35.

jistieden lill-Istati Membri biex jagħmluha aktar faċli biex jinvolvu operaturi privati fl-appoġġ ta' azzjonijiet għall-promozzjoni tat-tkabbir u impjiegi permanenti u li jiżguraw riżultati tal-proġetti b'mod effettiv u li jħares 'il quddiem;

36.

jistieden lill-pajjiżi membri biex, fil-programmi operattivi futuri tagħhom, jinkludu lir-REKT eżistenti u potenzjali;

37.

jinnota li l-proċeduri ta' tħejjija u adozzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni territorjali għall-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja 2014-2020 tant qed idumu li jista' jkollhom impatt fuq is-suċċess tal-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi u jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tintensifika l-impenn u l-għajnuna tagħha għall-pajjiżi li jieħdu sehem fit-tħejjija u l-adozzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni territorjali;

38.

iħeġġeġ lill-UE tagħti attenzjoni partikolari lill-użu ta' dawn il-fondi għar-reġjuni transkonfinali li huma ġirien ta' pajjiżi terzi u reġjuni Ewropej ultraperiferiċi, bl-għan li tittejjeb l-implimentazzjoni tal-proġetti transkonfinali finanzjati mill-fondi tagħha;

39.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea tkompli tissimplifika l-proċeduri, biex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tal-proġetti transkonfinali, kif ukoll li jitnieda l-proċess ta' adattar tal-fondi li jkunu implimentati fil-livell nazzjonali u biex f'dan ir-rigward tiġi prevista l-possibbiltà li jsir kollegament awtomatiku bejn il-fondi tal-UE u l-proġetti transkonfinali;

40.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea, biex apparti mir-riżultati tal-analiżi tal-ostakli, is-soluzzjonijiet u l-eżempji ta' prattiki tajbin fil-kooperazzjoni transkonfinali, flimkien mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, tħejji strateġija fit-tul għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali, kif ukoll pjan ta' azzjoni li jakkumpanjaha, li jkunu estiżi għal bosta presidenzi futuri tal-Unjoni Ewropea u li jkunu jiggarantixxu wkoll li anke wara l-Presidenza Lussemburgiża l-ħidma li tkun saret titkompla u tiġi segwita;

41.

jirrakkomanda li d-diskussjonijiet dwar dan ir-regolament il-ġdid jagħmlu parti minn dibattitu komprensiv dwar il-futur tal-Politika ta' Koeżjoni. L-implimentazzjoni sħiħa u effettiva msejħa tar-Regolament dwar ir-REKT fl-Istati Membri tista' tkun għan fuq perjodu medju flimkien ma' sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tiegħu u/jew l-emendi possibbli li jirriżultaw min-nuqqasijiet tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-proposta tal-Lussemburgu u telaboraha fid-dawl tar-riżultati tal-eżami transkonfinali li qed jitwettaq bħalissa mill-Kummissjoni;

42.

fl-aħħar nett, jinsisti fuq l-importanza li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u r-relazzjonijiet ta' fiduċja, ta' bona fede reċiproka u kooperazzjoni li għandu jkun hemm bejn il-gvern ċentrali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex tkun tista' tiżviluppa kooperazzjoni transkonfinali ġenwina u kompletament operattiva.

Brussell, it-13 ta' Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Konvenzjoni Qafas Ewropea dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Fruntieri bejn Komunitajiet jew Awtoritajiet Territorjali, Madrid, 1980, Kunsill tal-Ewropa, Sensiela ta' Trattati Ewropej, Nru 106. Ara wkoll: M. Perkmann (2003): Cross-Border Regions in Europe: Significance and Drivers of Regional Cross-Border Cooperation. European Urban and Regional Studies, Vol. 10, Nru 2, pp. 153-171.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006, ibbażat fuq l-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti.

(3)  Rapport finali tal-programm ta' azzjoni għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fl-Unjoni Ewropea, http://ec.europa.eu/smart-regulation/refit/admin_burden/docs/com2012_746_swd_ap_en.pdf. Għal aktar tagħrif dwar il-Programm REFIT, ara http://ec.europa.eu/smart-regulation/refit/index_en.htm


17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/13


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK)

(2015/C 423/03)

Relatur:

Is-Sur Anthony Gerard BUCHANAN, Membru tal-Kunsill ta’ East Renfrewshire (UK/AE)

I.   SFOND

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ t-talba tal-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali biex il-Kumitat tar-Reġjuni jkun involut f’dan l-eżerċizzju li l-Kummissarju indika bħala l-prijorità ewlenija tiegħu għall-2015;

2.

jaqbel mal-għan iddikjarat li qafas iktar sempliċi għall-Politika Agrikola Komuni (PAK) iżid il-kompetittività fis-settur agrikolu, jiffranka l-ħin u jnaqqas l-ispejjeż għall-atturi kollha fil-PAK, inklużi l-bdiewa, l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet pubbliċi;

3.

jemmen li l-valur miżjud tal-kontribut tal-KtR huwa l-enfasi fuq l-aspetti territorjali tal-PAK u l-promozzjoni tas-sussidjarjetà u l-governanza f’diversi livelli peress li parti sinifikanti tat-tlestija tal-PAK hija ġestita mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

4.

beħsiebu jifformula mhux biss proposti għall-perjodu l-qasir li jistgħu jtejbu s-sistema attwali filwaqt li jiżgura t-twettiq tal-objettivi tal-PAK u ċ-ċertezza legali għall-benefiċjarji; beħsiebu wkoll juża din l-Opinjoni bħala punt tat-tluq biex jitniedu d-diskussjonijiet fil-KtR dwar il-futur tal-PAK wara l-2020;

5.

jappoġġa liberalizzazzjoni u simplifikazzjoni kontinwi tal-PAK mingħajr ritorn għal politiki tal-passat li ma rnexxewx u qatgħu lill-bdiewa mis-suq, iżda jinsisti li dan ma’ għandux isir għad-detriment tas-sigurtà tal-ikel jew li l-bdiewa ma jkunux jistgħu jaqilgħu dħul ġust għal kunsinna tagħhom ta’ prodotti għas-suq;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Sussidjarjetà vs. politika komuni tal-UE

6.

ifakkar li wieħed mill-elementi distintivi tal-PAK il-ġdida hija ż-żieda konsiderevoli fid-deċentralizzazzjoni b’ħafna dispożizzjonijiet li jitħallew f’idejn l-Istati Membri u, f’ħafna każijiet, f’idejn l-awtoritajiet reġjonali: fost il-kwistjonijiet li jitħallew f’idejn l-Istati Membri u r-reġjuni hemm kwistjonijiet bħad-deċiżjonijiet dwar l-ammont li għandu jiġi trasferit bejn il-Pilastru I, Pagamenti Diretti, u l-Pilastru II, Żvilupp Rurali, id-definizzjoni ta’ bidwi attiv, ir-rekwiżiti minimi għall-pagamenti diretti, l-appoġġ akkopjat volontarju, il-limitazzjoni tal-pagamenti diretti u r-reġjonalizzazzjoni;

7.

jinnota li l-Istati Membri talbu derogi u eżenzjonijiet li kkontribwixxew b’mod sostanzjali għat-tħassib attwali dwar il-kumplessità dejjem akbar tal-PAK;

8.

ifakkar li fl-Opinjoni CdR 65/2012, il-KtR diġà rrakkomanda li tiġi applikata aktar sussidjarjetà fil-qafas tar-riforma biex tiġi garantita aktar flessibbiltà għall-Istati Membri u r-reġjuni. Madankollu, livell akbar ta’ sussidjarjetà, governanza f’diversi livelli u koeżjoni territorjali m’għandux iwassal għal xenarju fejn il-PAK issir wisq frammentata u ma tkunx tista’ topera bħala politika unika tal-UE;

Kriterji ewlenin għas-simplifikazzjoni

9.

jemmen li test deċiżiv ewlieni biex il-PAK tkompli tiġi ssimplifikata huwa li tissaħħaħ l-awtonomija tal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali li jkollhom aktar flessibbiltà matul l-implimentazzjoni u ċ-ċertezza tal-kontrolli sakemm dan ma jfixkilx il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-UE kollha li għandha tiżgura l-Politika Agrikola Komuni, bħala politika tal-UE li twettaq miri pan-Ewropej;

10.

iwissi li s-simplifikazzjoni tal-PAK issa ma tistax tintuża b’mod li żżarma firxa wiesgħa ta’ beni pubbliċi, partikolarment dawk ambjentali, li l-PAK għandha tipprovdi;

11.

jinsisti li jeħtieġ li kwalunkwe simplifikazzjoni tar-regoli tal-PAK tiżgura produzzjoni tal-ikel kompetittiva filwaqt li l-bdiewa jkunu jistgħu jiksbu eżitu ġust mis-suq, li toffri inċentivi biex il-bdiewa u l-komunitajiet lokali jipprovdu beni pubbliċi bħall-protezzjoni ambjentali, l-inklużjoni soċjali u servizzi rurali sabiex il-komunitajiet ikunu awtonomizzati u b’hekk ikollhom il-mezzi għad-diversifikazzjoni tal-attività ekonomika, u b’hekk tonqos id-depopolazzjoni;

12.

jinsisti dwar il-ħtieġa għal aktar konsistenza u komplementarjetà bejn il-PAK u politiki oħra tal-UE, bħall-politika (u l-fondi) ambjentali. Tinħtieġ konsistenza akbar l-aktar bejn l-iżvilupp rurali u l-bqija tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) li b’mod konġunt iwettqu Qafas Strateġiku Komuni abbażi tal-għanijiet ta’ politika wesgħin tal-Istrateġija Ewropa 2020;

13.

jemmen li s-setgħa ta’ negozjar tal-bdiewa meta mqabbla ma’ atturi oħrajn fil-katina tal-ikel (primarjament fornituri tal-fatturi tal-produzzjoni, il-bejjiegħa bl-imnut u l-industrija tal-ipproċessar) għandha tissaħħaħ u għandha tittejjeb it-trasparenza tas-suq sabiex il-produtturi primarji jirċievu sehem aktar ġust tal-prezz tas-suq. Għandha tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u nappellaw lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-abbużi potenzjali kollha tas-saħħa tax-xerrej tul il-katina tal-provvista tal-ikel;

14.

jemmen li, fir-reviżjoni li għaddejja tar-regoli tal-PAK li tinvolvi aktar minn 200 test ta’ leġislazzjoni u tinkludi l-artijiet ta’ interess ambjentali (EFAs), l-iskema ta’ pagament bażiku għall-bdiewa u l-organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS) jew ir-regoli għall-indikaturi ġeografiċi, huwa essenzjali li jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà għall-benefiċjarji;

15.

iqis li s-simplifikazzjoni tal-PAK tipprovdi l-aktar valur miżjud fil-mira tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq il-bdiewa u l-benefiċjarji bħall-komunitajiet rurali, ittejjeb iċ-ċarezza tal-qafas legali, tiżgura aktar konsistenza bejn iż-żewġ pilastri tal-PAK filwaqt li tiżgura l-ġestjoni soda tal-finanzi tal-PAK;

16.

jirrakkomanda approċċ iktar effettiv għall-kondiviżjoni tad-data u s-soluzzjonijiet integrati tal-IT bħal forom elettroniċi u bażijiet ta’ data li jistgħu jipprovdu punt ta’ kuntatt waħdieni li jnaqqas il-piż tal-mili tal-formoli għall-bdiewa, il-persuni responsabbli għall-ġestjoni tal-art u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni. Dan jeħtieġ valutazzjoni minn qabel tar-riskji fuq x’tip u liema data tista’ tiġi kondiviża u jeħtieġ ukoll l-involviment tal-Kummissjoni u l-korpi tal-awditjar, inkluża l-QEA, biex jiġu evitati kwistjonijiet ta’ awditjar fil-futur;

17.

jilqa’ l-ħolqien tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-simplifikazzjoni tal-Fondi SIE u l-fatt li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-impatt fuq il-benefiċjarji. Jipproponi li wieħed mill-membri ta’ dan il-grupp ikun rappreżentant mill-Kumitat tar-Reġjuni. Dan ir-rappreżentant għandu jikseb il-kontribut tal-Kummissjoni NAT, id-delegazzjonijiet nazzjonali tal-KtR u l-korpi tal-ħatra kif ukoll tan-netwerks tal-KtR tas-Sussidjarjetà u tal-Ewropa 2020 u jirrapporta lilhom;

Pilastru I u Pilastru II

18.

ifakkar li l-PAK 2014-2020 kompliet tinqasam bejn Pilastru I ewlieni iffukat fuq il-pagamenti diretti u Pilastru II iżgħar iffukat fuq l-iżvilupp rurali. Peress li t-trasferiment bejn il-pilastri jiġi deċiż fil-livell nazzjonali jew reġjonali dan huwa milqugħ f’termini ta’ sussidjarjetà, iżda wassal ukoll għal stampa pan-Ewropea/ferm kumplessa. Fl-Opinjoni tiegħu, CdR 65/2012, il-KtR jappoġġja l-possibbiltà li jiġu trasferiti sa 10 % tal-fondi mill-ewwel għat-tieni pilastru minflok bil-kontra;

19.

jinnota li sar progress fl-iżgurar tad-demarkazzjoni bejn il-pilastri, però għad hemm duplikazzjoni ċara fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħal żoni b’limitazzjonijiet naturali, il-ħarsien ambjentali u l-appoġġ għal bdiewa żgħażagħ, kif ukoll fir-relazzjoni bejn il-Pilastru II u l-Fondi SIE l-oħra;

20.

jemmen li f’xenarju ideali m’għandux ikun hemm tali duplikazzjoni u forsi wara l-2020 jista’ jkun hemm strument ta’ politika tal-UE ffukat fuq l-appoġġ tal-produzzjoni tal-ikel, ieħor għall-iżvilupp sostenibbli u l-aħħar wieħed biex isaħħaħ l-awtonomija tal-komunitajiet rurali biex jiddiversifikaw lil hinn mill-produzzjoni agrikola, b’konsistenza u mingħajr duplikazzjoni bejniethom. Madankollu, f’dan il-mument, is-simplifikazzjoni għandha tiffoka fuq it-tnaqqis ta’ dawn id-duplikazzjonijiet u fuq l-iżgurar li r-regoli eżistenti effettivament ma jħallux li l-benefiċjarji jirċievu “finanzjament doppju” miż-żewġ Pilastri għat-twettiq tal-istess attività;

21.

jinsisti li l-Kummissjoni tista’ taqdi rwol attiv u ta’ appoġġ matul il-perjodu billi tevalwa b’mod kritiku l-għażliet inizjalment magħmula mill-Istati Membri u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni, b’tali mod li tiffaċilita t-tibdil ta’ dawn il-prijoritajiet matul il-perjodu jekk ma jkunux ipprovdew valur miżjud reali, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li dawn il-bidliet ma jolqtux iċ-ċertezza legali tal-benefiċjarji matul il-programm;

L-ekoloġizzazzjoni

22.

jemmen li, filwaqt li l-ekoloġizzazzjoni tal-PAK hija waħda mill-innovazzjonijiet ewlenin tal-perjodu l-ġdid ta’ programmazzjoni, ta’ spiss jitqies li l-implimentazzjoni tagħha hija kumplessa wisq u li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hija eċċessivament inflessibbli, partikolarment dwar prattiki ekwivalenti għall-ekoloġizzazzjoni, kif ukoll li l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmorru ferm lil hinn mit-test tar-regolamenti;

23.

jinnota t-tħassib li l-provvista ta’ evidenza dwar id-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’, ir-rati ta’ spezzjoni, id-daqs minimu ta’ żona jew ir-regoli dwar iż-żamma ta’ bwar permanenti huma onerużi wisq;

24.

jenfasizza li l-PAK għandha tkun ġusta għall-bdiewa kollha. Madankollu, il-kundizzjonijiet naturali, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-istandards tal-għajxien ġenerali mhumiex l-istess madwar l-Ewropa u għandha tittieħed kunsiderazzjoni tagħhom waqt ir-ridistribuzzjoni ta’ appoġġ, għalhekk iqis li l-appoġġ għandu jirrifletti d-diversità agrikola tal-UE;

25.

ifakkar fl-Opinjoni tiegħu, CdR 65/2012, fejn ħeġġeġ li jkun hemm aktar sussidjarjetà biex tissaħħaħ l-awtonomija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jniedu u jiġġestixxu miżuri ambjentali mmirati, inkluż permezz ta’ kuntratti territorjali fi sħubija mal-partijiet interessati fil-qasam tal-biedja lokali, u dawk ambjentali u soċjoekonomiċi u billi l-kategoriji ta’ miżuri jkunu miftuħa għall-azjendi agrikoli kollha;

26.

jinsisti li l-kredibbiltà tal-PAK tista’ tiġi żgurata biss jekk apparti li tappoġġja l-produzzjoni tal-ikel, l-appoġġ għad-dħul tal-bdiewa u tikkontribwixxi għall-iżvilupp rurali, tissodisfa wkoll l-objettivi tal-klima u tal-bijodiversità;

27.

jinnota li l-PAK għandha t-tieni l-akbar sehem tal-baġit tal-UE u għandha dimensjoni territorjali qawwija u, flimkien mal-politika reġjonali, hija l-istrument ewlieni biex jitwettqu l-impenji ambjentali tal-UE;

28.

jibża’ li, minħabba l-mod li bih tfasslet l-ekoloġizzazzjoni, din mhux ser tagħti l-potenzjal sħiħ tagħha peress li, pereżempju, il-biċċa l-kbira tal-azjendi agrikoli fl-UE mhumiex obbligati jimplimentaw l-istatus ta’ art ta’ interess ambjentali (EFA);

29.

ifakkar li, fl-istess ħin, hemm tħassib mifrux fost il-benefiċjarji li r-regoli dwar l-ekoloġizzazzjoni huma eċċessivament kumplessi, li ħafna drabi jiskoraġġixxu minflok iħeġġu l-prattiki ta’ biedja sostenibbli;

30.

jemmen, madankollu, li s-simplifikazzjoni tar-regoli dwar l-ekoloġizzazzjoni tal-PAK ma tistax tintuża bħala skuża biex jiddgħajfu l-għanijiet ambjentali tagħha. It-tibdil fir-regoli għandu jkun xprunat minn evidenza xjentifika li tiżgura li dawn il-bidliet ikunu ambjentalment sodi u hija din l-evidenza li għandha tiddefinixxi kemm it-tibdil ġdid fil-proċeduri amministrattivi ser inaqqas il-piż regolatorju fuq il-benefiċjarji;

31.

ifakkar li r-regoli eżistenti tal-PAK jippermettu l-adozzjoni ta’ miżuri ekwivalenti għall-ekoloġizzazzjoni u jemmen li tali miżuri jistgħu jkunu alternattiva raġonevoli f’ċerti ċirkustanzi, bil-kundizzjoni li jtejbu, jew tal-anqas ma jdgħajfux, ir-riżultati ambjentali tal-PAK;

32.

jemmen li l-proporzjonalità għandha tiżdied mal-ispezzjonijiet u r-regoli ta’ konformità dwar l-ekoloġizzazzjoni billi jiġu permessi livelli ogħla ta’ tolleranza għal ksur mhux daqshekk gravi, kundizzjonijiet klimatiċi avversi u avvenimenti mhux mistennija barra l-kontroll tal-benefiċjarji. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-ewwel snin tal-introduzzjoni tar-regoli l-ġodda tal-PAK fejn ir-riskju ta’ żbalji x’aktarx ikun kbir, anke minħabba l-fatt li l-linji gwida tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni u tal-Kummissjoni stess ħarġu tard;

33.

jipproponi aktar flessibbiltà dwar l-immappjar biex il-benefiċjarju ma jkollux għalfejn jiddikjara l-elementi kollha fiż-żona kkonċernata u b’hekk jiġi evitat ir-riskju ta’ dikjarazzjoni eċċessiva;

Bdiewa attivi

34.

ifakkar li waħda mill-bidliet ewlenin tal-PAK il-ġdida hija li dawn għandhom l-għan li jiżguraw li l-PAK tkun ta’ benefiċċju biss għal dawk il-bdiewa li verament iħaddmu l-art u mhux dawk komunament magħrufa bħala “tabirruħhom bdiewa” (“slipper farmers”), kif diġà talab il-Kumitat fl-Opinjoni preċedenti tiegħu CdR 65/2012;

35.

jinnota li, filwaqt li dan isir permezz ta’ rekwiżiti ta’ attività minima li jeħtieġu prova ta’ densità minima tal-istokkijiet li għandha tiġi pprovduta mill-benefiċjarju, hemm tħassib li r-regoli kif ifformulati għadhom iħallu lok biex il-bdiewa mhux attivi jkomplu jibbenefikaw mill-pagamenti tal-PAK;

36.

jinsab imħasseb, madankollu, li r-regoli u d-definizzjonijiet attwali dwar il-bdiewa attivi huma eċċessivament kumplessi u għandhom jiġu ċċarati. L-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jistabbilixxu l-kriterji tagħhom fir-rigward tal-bdiewa attivi, bil-kundizzjoni li jirrispettaw il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-UE;

Bdiewa żgħażagħ u żgħar

37.

jappoġġja r-rikonoxximent speċifiku tal-bdiewa ż-żgħar fi ħdan il-PAK peress li jikkostitwixxu perċentwal konsiderevoli tal-impjieg rurali f’diversi Stati Membri tal-UE u, bħala miżura ta’ simplifikazzjoni, il-KtR kien ippropona li l-livell minimu ta’ appoġġ jiżdied għal EUR 1  000;

38.

jemmen li l-bdiewa żgħażagħ huma xpruni ta’ varjetà ta’ riżultati ekonomiċi u ambjentali kemm fl-azjendi agrikoli kif ukoll fil-komunità rurali ġenerali;

39.

jirrakkomanda li d-dispożizzjonijiet finanzjarji u legali tal-PAK il-ġdida jiġu valutati mill-ġdid sabiex jiġi żgurat li verament jinċentivaw id-dħul tal-bdiewa żgħażagħ. Jeħtieġ li dawn ikunu aktar flessibbli biex jirrikonoxxu r-rwol tal-bdiewa żgħażagħ fir-realtajiet legali u ekonomiċi attwali lokali (trasferiment ta’ drittijiet, bdiewa ixjeħ li jkunu bdew l-attività agrikola reċentement, eċċ.), fejn il-bdiewa żgħażagħ jibdew il-karrieri tagħhom flimkien ma’ membri tal-familja anzjani jew intraprendituri rurali oħra;

Kundizzjonalità

40.

jinnota li hemm perċentwali differenti fir-Regolament (5 %) u r-Regolament Delegat (3 %) li jiddefinixxu meta għandha tiġi stabbilita penali. Huwa meqjus b’mod mifrux li rata ta’ 3 % hija sproporzjonata;

Linji gwida tal-Kummissjoni

41.

jinsab imħasseb li, minkejja l-għanijiet iddikjarati tal-PAK il-ġdida fir-rigward tat-tnaqqis tal-leġislazzjoni fil-livell tal-UE, il-ħidma regolatorja tal-Kummissjoni permezz ta’ leġislazzjoni ddelegata żdiedet, u l-linji gwida sikwit jiġu ttrattati mill-Kummissjoni bħala ekwivalenti għal leġislazzjoni;

42.

jinsisti li għandha tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda tar-regoli tal-UE permezz tal-introduzzjoni ta’ linji gwida nazzjonali jew reġjonali. F’dan ir-rigward, il-ħruġ tard tal-linji gwida tal-Kummissjoni fiha nnifisha kkontribwixxiet għall-kumplessità tal-PAK u dan iżid il-probabbiltà ta’ riskju tal-awditjar fil-futur;

43.

jemmen li kull meta l-linji gwida jew il-leġislazzjoni tal-UE jipprovdu grad ta’ flessibilità, l-awtoritajiet nazzjonali u ta’ ġestjoni għandhom jevitaw li jżidu dispożizzjonijiet preskrittivi żżejjed u diffiċli biex jiġu vverifikati;

44.

jitlob li l-proċess ta’ reviżjoni li għaddej tal-istrumenti tal-PAK isir billi jintużaw il-kriterji l-ġodda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar u dwar l-Idoneità Regolatorja (REFIT) li tfasslu reċentement mill-Kummissjoni;

Piż tal-awditjar

45.

iqis li, l-istess bħal fil-każ ta’ fondi oħra tal-UE, il-PAK għad għandha livell b’ħafna saffi ta’ awditjar, ta’ spiss b’interpretazzjonijiet differenti. Dan joħloq inċertezza legali għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali iżda b’mod kruċjali għall-benefiċjarji;

46.

jemmen li l-PAK għandha timxi lil hinn minn approċċ aktar proporzjonat u bbażat fuq ir-riżultati ta’ spezzjonijiet u awditjar, billi tiffoka anqas fuq il-penali u aktar fuq it-titjib u tiżgura li jinkisbu r-riżultati aktar ġenerali tal-PAK. Kriterju ewlieni tas-simplifikazzjoni għall-benefiċjarji, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, huwa t-tnaqqis tal-għadd ta’ spezzjonijiet meħtieġa, peress li l-kontrolli fuq il-post ta’ 5 % eżistenti sikwit jitqiesu bħala onerużi wisq;

47.

jirrakkomanda approċċ ibbażat fuq ir-riskju, aktar flessibbli u proporzjonat għall-ispezzjonijiet sabiex ikun jista’ jitwettaq aktar minn tip wieħed ta’ spezzjoni matul żjara waħda u, f’każijiet iġġustifikati, tingħata notifika bikrija ta’ spezzjoni sabiex jiġi żgurat li dawn l-ispezzjonijiet ikunu jistgħu jitwettqu b’mod effiċjenti u bi ftit xkiel għax-xogħol ta’ kuljum tal-bdiewa u benefiċjarji oħra. Meta jkun hemm possibbiltà kbira ta’ żbalji, jistgħu jitwettqu spezzjonijiet minn qabel sabiex jiżdiedu l-konformità u responsabbiltà mill-benefiċjarju;

48.

jinsab imħasseb li l-Artikolu 9 l-ġdid tar-Regolament Orizzontali tal-PAK ser iżid il-piż ta’ spezzjoni annwali u jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-regoli nazzjonali addizzjonali tal-awditjar. Dawn għandhom jiġu vvalutati mil-lat ta’ riskju dwar il-konsistenza tagħhom mar-regoli u l-prattiki tal-awditjar tal-UE, u għandhom jiġu żviluppati permezz ta’ parir minn qabel tal-awdituri tal-UE;

49.

jinsisti li fil-ġejjieni l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-awditjar għandu jiġi żviluppat aktar biex jinkiseb xenarju fejn jekk awtorità nazzjonali u reġjonali tkun tista’ turi li għandha sistema ta’ awditjar interna ma jkun meħtieġ l-ebda awditu ulterjuri tal-UE mill-Kummissjoni jew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, għajr kontrolli eċċezzjonali ħafna u każwali biex jiġi żgurat li s-sistema ta’ awditjar nazzjonali tibqa’ b’saħħitha;

50.

jinsab imħasseb li s-sistema tal-awditjar de facto ser tkun aktar oneruża did-darba u jemmen li, sabiex dan jiġi evitat, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u ta’ awditjar għandhom jaħdmu flimkien sa mill-istadju bikri tad-disinn tal-iskemi, sabiex jiġu evitati kontradizzjonijiet aktar tard u l-ħtieġa li jitwettqu diversi kontrolli ta’ awditjar tal-istess attività minn korpi differenti. Fid-dawl tal-pass kajman tat-tnedija tal-iskemi tal-PAK, dan l-eżerċizzju għadu possibbli f’bosta pajjiżi u reġjuni;

51.

jemmen li l-konformità tista’ tittejjeb permezz ta’ aktar trasparenza tal-proċess tal-awditjar, jekk il-Kummissjoni tippubblika s-sejbiet tal-awditjar tagħha fi stadju bikri fil-proċess u billi r-riżultati ta’ konċiljazzjoni u l-appelli jsiru pubbliċi hekk kif jiġu ffinalizzati;

52.

iqis li, għalkemm l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (OKS) il-ġdida fiha nnifisha kienet pass kbir ta’ simplifikazzjoni li permezz tiegħu ġew sostitwiti l-21 OKS preċedenti u ġew eliminati 81 test leġislattiv, hemm lok għal titjib fit-tnaqqis tal-ammont u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rappurtar li hija meħtieġa tissottometti lill-Kummissjoni;

Żvilupp rurali

53.

jinnota li f’ħafna Stati Membri, iż-żoni rurali mhux biss huma sinonimi mal-agrikoltura, iżda huma wkoll żoni ta’ negozji żgħar barra l-katina tal-produzzjoni tal-ikel kif ukoll żoni residenzjali;

54.

ifakkar f’Opinjonijiet preċedenti, fejn qies bħala kruċjali, b’konformità mal-objettiv tal-UE ta’ koeżjoni territorjali, li jiġi riservat sehem suffiċjenti mill-fondi għall-żvilupp ta’ żoni rurali permezz ta’ spinta lill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) bħall-iżgurar tal-iżvilupp armonjuż u integrat ta’ dawn iż-żoni, inkluż il-forniment ta’ infrastruttura lokali; l-appoġġ tal-SMEs, it-tiġdid tal-villaġġi u diversifikazzjoni usa’ tal-ekonomja;

55.

jinsisti dwar il-ħtieġa ta’ politika/komprensiva tal-iżvilupp rurali li tiżgura wkoll aċċess għall-Fondi SIE l-oħrajn sabiex b’mod konġunt jitwettqu l-prijoritajiet tal-Qafas Strateġika Komuni tal-Ewropa 2020;

56.

jiddispjaċih li f’dan ir-rigward l-investimenti fil-qasam tal-iżvilupp rurali għadhom iffokati fuq attivitajiet agrikoli simili li diġà huma appoġġati mill-Pilastru I; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża r-reviżjoni potenzjali tal-Programmi tal-Iżvilupp Rurali matul il-perjodu sabiex tħeġġeġ lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni jimxu lil hinn minn dawk l-interventi li ma jkunux provdew biżżejjed valur miżjud f’termini ta’ ksib tal-objettivi tal-Ewropa 2020 u jimxu lejn id-diversifikazzjoni u l-awtonomizzazzjoni tal-komunitajiet rurali;

57.

jinsab imħasseb li kien hemm dewmien konsiderevoli fl-approvazzjoni tal-Programmi tal-Iżvilupp Rurali, li saħansitra wassal biex il-baġit tal-2014 jiġi trasferit għas-snin ta’ wara;

58.

iqis li raġuni ewlenija għal dan id-dewmien keinet il-koordinazzjoni interna bejn id-Direttorati Ġenerali, peress li l-approvazzjoni ta’ spiss tiddependi mir-ritmu tal-aktar uffiċjal li jaħdem bil-mod fir-reviżjoni tal-konsultazzjoni bejn is-servizzi. Proposta għall-ġejjieni tista’ tkun li matul il-proċess tal-approvazzjoni tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali (PŻR) jiġu ssekondati uffiċjali minn Direttorati Ġenerali oħra lid-DĠ AGRI;

59.

iqis li, minħabba d-dewmien tal-Kummissjoni biex tippreżenta linji gwida u leġislazzjoni delegata, ikun għaqli li, fin-negozjati tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali, il-Kummissjoni ma tkunx teħtieġli dawn il-programmi jiġu ppreżentati qabel ma jinħarġu dawn ir-regoli tal-UE. Dan ma jnaqqasx id-dewmien fl-approvazzjoni tal-Programm iżda jissimplifika n-negozjar tiegħu;

L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità – LEADER

60.

jinnota li l-istrument tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità mar lil hinn mill-inizjattiva preċedenti tal-LEADER sabiex il-komunitajiet lokali jkunu awtonomizzati mhux biss permezz tal-FAEŻR iżda wkoll permezz tat-tliet Fondi SIE l-oħra; fl-Opinjoni tiegħu CdR 1684/2012, il-KtR irrefera għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità bħala wieħed mir-riżultati ewlenin tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali;

61.

jiddispjaċih madankollu li, filwaqt li l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità ser jintuża estensivament f’xi Stati Membri, reġjuni, u awtoritajiet lokali, f’ħafna oħrajn essenzjalment dan ser ikun ekwivalenti għall-inizjattiva preċedenti LEADER iffokata fuq il-FAEŻR;

62.

jemmen li din hija opportunità mitlufa għall-komunitajiet rurali u huwa tal-fehma li dan huwa minħabba inkonsistenzi fil-koordinazzjoni bejn il-Fondi SIE, regoli ta’ rappurtar u ta’ awditjar differenti li għadhom qed jiġu applikati għal kull fond, li sikwit jiġu ġestiti f’oqsma ta’ ġestjoni u ministerjali separati. Bl-istess mod jinsab imħasseb li r-regoli l-ġodda tal-awditjar għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità huma aktar onerużi għall-korpi responsabbli u l-gruppi ta’ azzjoni lokali (GAL);

63.

jinsisti li għandu jiġi rikonoxxut li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet huma l-awtoritajiet lokali li jiżguraw li l-GAL ikunu jistgħu jwettqu l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunitajiet;

64.

għaldaqstant jinsab imħasseb li applikazzjoni stretta tal-votazzjoni b’maġġoranza ta’ 51 % għall-membri mhux pubbliċi fid-deċiżjonijiet tal-GAL xi kultant tista’ ma sseħħx fil-prattika, u b’hekk il-muniċipalitajiet, bħala korpi responsabbli, jiġu penalizzati għal dan; jinsisti għaldaqstant li dawn il-penali għandhom ikunu proporzjonati kull meta l-korpi responsabbli jkunu jistgħu juru li ma nvolvewx lil gruppi privati jew ċiviċi fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-GAL;

65.

jinnota li r-regoli dwar id-daqs massimu tal-popolazzjoni tal-GAL u d-daqs minimu tal-baġit tal-GAL jagħtu lill-Istati Membri livell ta’ diskrezzjoni biex imorru lil hinn mill-gwida tal-Kummissjoni f’każijiet ġustifikati, iżda jiddispjaċih li ma sarx biżżejjed użu minn din id-diskrezzjoni u dan wassal biex xi żoni tal-GAL ma ġewx definiti b’mod li jirrifletti aħjar il-ġeografiji eżistenti.

Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/20


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-ġejjieni tal-akkwakultura Ewropea

(2015/C 423/04)

Relatur:

Is-Sur GAMALLO ALLER (ES/PPE), Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni mal-Unjoni Ewropea, Gvern Reġjonali tal-Galizja

I.   ANALIŻI TAL-KUNTEST

L-iżvilupp tal-akkwakultura

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

ifakkar li l-Kumitat diġà ppubblika sensiela ta' opinjonijiet dwar l-akkwakultura fil-passat u li, għall-ewwel darba, il-politika komuni tas-sajd (PKS) għall-perjodu 2014-2020 tindirizza l-akkwakultura b'mod speċifiku u bl-istess mod li jiġi ttrattat is-sajd estrattiv, minkejja li das-settur għadu ma rrankax fl-UE;

2.

jilqa’ b'sodisfazzjon is-sinerġiji pprovduti mill-fużjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd mad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, billi din il-fużjoni tista' tikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-iżvilupp tal-akkwakultura Ewropea;

3.

jinsab sodisfatt li l-Fond ġdid Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) jinkludi fost il-prijoritajiet tiegħu l-promozzjoni ta’ akkwakultura sostenibbli u kompetittiva, li tagħti spinta ġenwina lill-forom ġodda tal-akkwakultura b’potenzjal kbir għall-innovazzjoni u t-tkabbir, bħall-akkwakultura lil hinn mill-kosta jew f’ilmijiet esposti, dik mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem, jew id-diversifikazzjoni tal-akkwakultura, definita bħala attività komplementari orjentata lejn l-użu tar-riżorsi ambjentali marbutin ma' tali faċilitajiet, li tiddiversifika l-attività ekonomika tas-settur u tiffaċilita l-promozzjoni tal-prodotti tagħha;

4.

ifakkar li l-linji gwida strateġiċi tal-2013 għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE jagħtu xhieda tan-natura strateġika tal-produzzjoni tal-akkwakultura biex tilqa' l-isfidi tal-ikel, il-protezzjoni tar-riżorsi naturali u l-ġestjoni tat-territorju;

5.

jirrikonoxxi li l-akkwakultura tiġġenera impjiegi b’mod partikolari fl-oqsma li huma strutturalment dgħajfa, billi tgħin biex jinkisbu koeżjoni territorjali u żvilupp rurali akbar b'konformità mal-miri ta’ tkabbir stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020;

6.

jenfasizza r-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp tal-akkwakultura Ewropea u, b’mod partikolari, fl-implimentazzjoni tal-pjani strateġiċi pluriennali żviluppati mill-Istati Membri għall-perjodu 2014-2020;

7.

jenfasizza l-fatt li s-settur Ewropew tal-akkwakultura huwa ddominat l-aktar minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li 75 % minnhom jimpjegaw ħames impjegati jew inqas;

8.

jilqa’ b’sodisfazzjon it-twaqqif tal-Kunsill Konsultattiv ġdid għall-Akkwakultura, li permezz tiegħu l-partijiet interessati jistgħu jagħtu pariri lill-UE dwar l-iżvilupp ta’ dan is-settur, u jistenna li fil-ġejjieni jkun jista' jikkoopera miegħu;

9.

jenfasizza l-importanza li tintuża taħlita ta' miżuri differenti fil-qasam tas-semplifikazzjoni amministrattiva, il-ġestjoni tat-territorju u l-kompetittività biex jiġi lliberat il-potenzjal tal-akkwakultura f'dak li jirrigwarda l-iżvilupp sostenibbli b'mod li jikkomplementa s-sajd estrattiv, u mhux ikun alternattiva;

10.

iwissi li, filwaqt li fil-livell dinji l-akkwakultura qed tiżdied u diġà tammonta għal madwar 40 % tal-produzzjoni totali tas-sajd, fl-Ewropa, il-produzzjoni tal-akkwakultura qed tonqos (11 % bejn l-2000 u l-2012) u tammonta għal inqas minn 20 % tal-produzzjoni tas-sajd, minkejja li tħaddan 14  000 kumpanija u toħloq 85  000 impjieg dirett. B'mod ġenerali, l-akkwakultura hi mistennija li minn hawn u ftit ieħor taqbeż is-sajd bl-istess mod li fil-passat l-agrikoltura ħadet post il-kaċċa;

11.

jiddispjaċih li, mill-medja ta' 23 kg ta’ ħut u frott tal-baħar li kull persuna tikkonsma kull sena fl-Ewropa, 24 % biss jiġu mill-akkwakultura, peress li iżjed min-nofs jiġi impurtat minn barra l-UE, b’tali mod li mill-volum totali ta’ ħut u frott tal-baħar ikkunsmat fl-UE, 70 % huwa impurtat. Għaldaqstant, l-akkwakultura għandha l-għan li tkun ir-rispons għat-talba globali dejjem tikber għall-ħut u l-frott tal-baħar;

12.

jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-iżbilanċ bejn il-produzzjoni tal-akkwakultura Asjatika u dik Ewropea. L-Asja tirrappreżenta madwar 88 % tal-produzzjoni dinjija u, għalkemm il-parti l-kbira tal-importazzjonijiet Asjatiċi tal-ħut jikkonformaw mal-liġi tal-UE, dawn l-importazzjonijiet jagħmlu pressjoni dejjem tikber fuq il-produtturi Ewropej f'dak li jirrigwarda l-prezz u l-volum tal-produzzjoni. Dan iwassal biex il-produtturi Ewropej tal-akkwakultura jinbidlu dejjem iżjed fi produtturi speċjalizzati ta’ kwalità għolja, u s-settur tal-prezzijiet baxxi jiġi kopert permezz ta' importazzjonijiet orħos mill-Asja;

13.

jenfasizza li s-settur tal-akkwakultura tal-UE huwa varjat fir-rigward ta’ speċijiet imrobbija, ikl-metodi ta’ produzzjoni u l-lokazzjonijiet ġeografiċi u għalhekk ir-regoli tal-UE għandhom jiġu implimentati b’mod flessibbli, l-iżjed fir-reġjuni ultraperiferiċi minħabba s-sitwazzjoni partikolari tagħhom;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

Semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u aċċess għat-territorju

14.

jiddispjaċih li n-nuqqas ta' spazju disponibbli kompatabbli ma' dan l-użu, il-kumplessità u d-dewmien biex jingħataw liċenzji u permessi għall-eżerċitar tal-attività, flimkien mal-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, iwasslu biex l-iżvilupp tal-akkwakultura jiġi ristrett b'mod gravi;

15.

ifakkar li fl-Ewropa, il-ħruġ ta’ liċenzji u l-appoġġ għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju fil-qasam tal-akkwakultura fit-territorju Ewropew huwa, b'mod ġenerali, fil-kompetenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Għalhekk, huwa rakkomandat li l-uffiċjali pubbliċi jirċievu taħriġ ta’ kwalità għolja għal aktar effiċjenza u effettività fil-ħruġ tal-liċenzji mill-amministrazzjoni;

16.

jipproponi t-twaqqif ta' sistema amministrattiva ta’ “punt ta' kuntatt waħdieni” li jassumi u jeżerċita s-setgħat kollha u jagħmilha possibbli li d-dokumenti rilevanti jitressqu quddiem korp amministrattiv wieħed, liema proċedura ser tiffaċilita b’mod konsiderevoli r-relazzjoni tal-utent mal-livelli differenti tal-amministrazzjonijiet pubbliċi;

17.

jipproponi sistema semplifikata” jew “proċeduri aċċellerati” għall-ksib ta' liċenzji li permezz tagħhom l-amministrazzjoni kompetenti toħroġ ċertifikazzjoni provviżorja li tagħmilha possibbli li l-attività tibda topera għal dawk l-operaturi li jissodisfaw ċerti kriterji definiti minn qabel. Dawn il-kriterji jistgħu jiġu bbażati fuq l-imġiba tal-applikant fil-passat jew il-fatt li l-proġett tal-akkwakultura mressaq ikun verament pijunier mil-lat tal-innovazzjoni u s-sostenibbiltà jew fil-ħolqien ta' żoni hekk imsejħa ta' servitù (easement zones) f'dak li jirrigwarda l-akkwakultura fejn l-użu inkompatibbli mal-akkwakultura jiġi definit minn qabel;

18.

huwa tal-fehma li jkun adatt li, bil-kundizzjoni li l-karatteristiċi lokali jippermettu dan, titwaqqaf sistema tat-tip “dawl tat-traffiku” (traffic light) għall-klassifikazzjoni tal-attivitajiet tal-akkwakultura f’diversi livelli bil-għan li, fost affarijiet oħra, jitqiesu l-impatt ambjentali, il-produzzjoni, saħħet l-annimali, eċċ. Din is-sistema trid tkun faċli għall-utent u aċċessibbli faċilment għall-mikrointrapriżi sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi kemm għall-kumpaniji kbar kif ukoll għal dawk żgħar;

19.

jenfasizza li t-trasparenza hija meħtieġa matul il-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-akkwakultura u, għalhekk, għandha tkun il-prinċipju gwida għall-istituzzjonijiet pubbliċi, is-soċjetà ċivili u l-komunità xjentifika;

Il-kompetittività u l-ġestjoni tal-kwalità

20.

jenfasizza l-bżonn li titjieb il-komunikazzjoni pubblika lil hinn mis-sempliċi promozzjoni tal-prodott, li tiffoka fuq il-benefiċċji ta' settur sostenibbli u ambjentalment integrat bħala element ewlieni biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-akkwakultura;

21.

jenfasizza l-importanza tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RŻI) sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tat-tkabbir tal-akkwakultura, kif rifless fl-aġenda strateġika għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Pjattaforma tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni fl-Akkwakultura Ewropea (European Aquaculture Technology and Innovation Platform – EATiP), li fiha jiġu deskritti l-oqsma ta’ azzjoni prijoritarji maqsuma fi tmien oqsma tematiċi;

22.

jilqa’ b'sodisfazzjon il-fatt li l-isfruttament tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin huwa wieħed mill-prijoritajiet tematiċi tal-Programm Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Orizzont 2020, u jitlob, kemm lill-industrija kif ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi, biex jużaw ir-riżultati tal-proġetti ffinanzjati għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura;

23.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintroduċi tikketta għall-prodotti tal-akkwakultura li taġixxi bħala marka distintiva Ewropea u li sservi biex trawwem fiduċja fost il-konsumaturi, issaħħaħ l-immaġni tal-kwalità tal-prodott u tiddistingwixxi l-prodott minn dak tal-kompetituri. Informazzjoni ġusta tista' biss issaħħaħ il-kompetittività tas-settur;

24.

jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-fatt li fl-UE qed jiġu żviluppati programmi ta’ taħriġ vokazzjonali u kontinwu adattati għall-bżonnijiet tas-suq tal-akkwakultura, li, permezz tagħhom, tiġi promossa wkoll l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-settur, u jitlob li tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni tal-kwalifiki formali b'mod li tiġi promossa aktar il-mobilità tal-professjonisti tal-akkwakultura fl-UE;

Is-sostenibbiltà tal-akkwakultura

25.

jerġa' jisħaq li s-sostenibbiltà hija prerekwiżit indispensabbli għall-iżvilupp tal-akkwakultura Ewropea;

26.

ifakkar li s-sostenibbiltà hija l-ewwel kundizzjoni imposta mill-PKS għall-akkwakultura Ewropea. Barra minn hekk, il-partijiet u l-operaturi interessati kollha jixtiequ li jkun hemm definizzjoni adatta ta’ “akkwakultura sostenibbli” li tissodisfa kemm kriterji ambjentali kif ukoll ekonomiċi u soċjali, u li tista’ tiġi adattata għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull territorju; huwa tal-fehma li l-Kunsill Konsultattiv ġdid dwar l-Akkwakultura għandu rwol ewlieni x'jaqdi fit-tfassil ta' din id-definizzjoni;

27.

jirrikonoxxi li s-settur tal-akkwakultura jeħtieġ ġestjoni koordinata tat-territorju li timminimizza l-kunflitti li jirriżultaw mill-kompetizzjoni li tirriżulta minħabba użu differenti tal-ispazju, billi tiżdied is-sostenibbiltà, titnaqqas l-inċertezza u jiġu ffaċilitati l-investimenti. Huwa jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħidma diġà mwettqa skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina li għandha l-għan li jitħarsu u jiġu stabbiliti mill-ġdid l-ekosistemi marittimi tal-Ewropa, kif ukoll jiżguraw is-sostenibbiltà ekoloġika tal-attivitajiet ekonomiċi relatati mal-ambjent tal-baħar;

28.

huwa tal-fehma li jkun utli li jiġu promossi proċessi ta’ produzzjoni innovattivi b’impatt minimu fuq l-ekosistemi tal-madwar, bħar-riċirkolazzjoni, l-akkwakultura multitrofika integrata jew l-akkwaponika; dawn huma kollha eżempji li juru li l-użu tal-ispazju huwa kompatibbli bis-sħiħ mat-tiftix tal-effiċjenza u l-ħolqien tal-ġid u l-valur miżjud;

29.

jesprimi l-ħtieġa għal aktar riċerka u innovazzjoni sabiex isir progress b'mod li jiġu sostitwiti l-ħut mitħun u ż-żejt tal-ħuta fl-ikel tal-ħut miżmum għal skopijiet kummerċjali. F’dan ir-rigward, ifakkar li 60 % tal-ikel tal-produzzjoni tal-akkwakultura joriġina mill-pjanti u li 80 % ġej minn sorsi sostenibbli, liema fatt isaħħaħ is-sostenibilità ta’ settur li kulma jagħmel hu li jevolvi biex jikkompleta dejjem iżjed u b'mod aħjar is-settur tal-ħut selvaġġ. Filwaqt li huwa meħtieġ li jiġu investigati alternattivi għat-tħin tal-ħut u ż-żejt tal-ħut, huwa importanti li jkompli jseħħ l-iżvilupp teknoloġiku ta’ dawn il-prodotti għall-ottimizzazzjoni u t-titjib tar-rendiment tagħhom;

30.

jenfasizza l-importanza tal-akkwakultura għall-forniment ta' servizzi ambjentali u, b'mod partikolari, l-importanza tagħha għall-konservazzjoni tal-bijodiversità;

31.

jieħu nota tal-impatt negattiv li l-irkupru mgħaġġel tal-ispeċijiet protetti għandu fuq il-produzzjoni tal-akkwakultura sostenibbli, u għalhekk jirrakkomanda li l-pjani ta’ ġestjoni għall-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet għandhom mhux biss ikunu bbażati fuq kriterji xjentifiċi iżda għandhom jikkunsidraw ukoll il-kunflitti potenzjali mal-produtturi tal-akkwakultura. Għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, fi kwalunkwe aġġornament futur tad-Direttivi dwar il-ħarsien tan-natura (id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats), tikkunsidra l-kunflitti eżistenti minħabba l-użi differenti taż-żoni marittimi u dawk tax-xmajjar u tal-art;

32.

jirrakkomanda d-diversifikazzjoni fit-trobbija tal-organiżmi, u jiġbed attenzjoni partikolari lejn il-produzzjoni tal-alka li, minbarra l-użu tagħha dejjem jiżdied għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali, uriet li hija adatta ħafna għal ċerti produzzjonijiet industrijali u għall-ġenerazzjoni tal-enerġija. Madankollu, il-potenzjal tagħha mhuwiex qed jġi sfruttat fl-UE bħala waħda fost l-għelejjel li toffri possibbiltajiet akbar għas-sostenibbiltà ambjentali, fid-dawl tal-fatt li la tirrikjedi ikel u lanqas tipproduċi skart;

Is-swieq u l-katina tad-distribuzzjoni

33.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, taħt iċ-ċirkustanzi attwali, ma jagħmilx sens li s-sajd estrattiv u l-akkwakultura jiddaħħlu f'konkorrenza ma' xulxin. Id-domanda globali għall-prodotti akkwatiċi qed tiżdied, filwaqt li, fl-istess ħin, fl-UE gradwalment qed titnaqqas il-pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut selvaġġ. Għalhekk, f’tali kuntest, nenfasizzaw il-ħtieġa għall-komplementarjetà;

34.

jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn l-akkwakultura, minn naħa, u l-attività tal-ipproċessar, min-naħa l-oħra, tista' tiġġenera valur miżjud għall-prodotti tal-akkwakultura jekk din il-kooperazzjoni ssir f’sinerġija, u tippromovi ż-żewġ attivitajiet f’żoni inqas żviluppati;

35.

jirrakkomanda l-promozzjoni ta’ suq lokali u ta' katini ta’ distribuzzjoni ta' “ċirkwit qasir” għall-prodotti tal-akkwakultura Ewropea u b’hekk isir kontribut biex jittaffew il-fluttwazzjonijiet fis-swieq globali;

36.

ifakkar li t-traċċabilità hija żgurata fl-akkwakultura matul il-proċess kollu, li jwassal għat-tisħiħ tas-sikurezza tal-konsumatur u għal bidliet iżgħar fl-imġiba fil-konsum ta’ dan il-prodott;

37.

jirrakkomanda li jitnedew kampanji maħsuba biex iressqu l-prodott lejn il-konsumatur biex jirrikonoxxi u japprezza l-ħidma marbuta mal-provvista tal-ikel, is-sigurtà tal-ikel u l-ġenerazzjoni tal-impjiegi kif ukoll il-benefiċċju ambjentali li tipprovdi l-akkwakultura fuq perjodu twil ta' żmien;

38.

jilqa’ b'sodisfazzjon l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għall-iskambju tal-aħjar prattiki u għarfien espert, b'mod li tittejjeb l-immaġni tal-produzzjoni tal-akkwakultura fis-soċjetà, kif ukoll jiġu identifikati u jintwerew bħala eżempju l-mudelli. F’dan il-kuntest, jilqa’ b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea “Farmed in the EU”, kampanja li bla dubju tikkontribwixxi għal sensibilizzazzjoni aħjar dwar il-prodotti tal-akkwakultura sostenibbli fl-UE.

Brussell, it-13 ta' Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/24


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Suq Uniku Diġitali

(2015/C 423/05)

Relatur:

Is-Sinjura Kuhn-Theis (DE/PPE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Weiskirchen

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa —

COM(2015) 192 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-għan ġenerali tal-proposta tal-Kummissjoni għall-promozzjoni u l-iżgurar tal-kompetittività internazzjonali fit-tul permezz tal-ħolqien ta’ suq uniku diġitali konness fl-Ewropa, fejn l-effetti ta’ netwerk u l-ekonomiji ta’ skali jiġu ġġenerati fuq firxa ikbar sabiex jiġu żgurati t-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi fl-Ewropa;

2.

iqis il-ħolqien ta’ suq uniku diġitali bħala kontribut strateġiku għall-iżgurar tas-“sovranità diġitali” tal-Ewropa, b’ekonomija diġitali Ewropea b’saħħitha u li tagħti kontribut strutturali għall-indirizzar tal-isfidi politiċi li qed tiffaċċja l-Ewropa;

3.

jenfasizza li r-rwol ewlieni u l-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu kkunsidrati f’kull att legali futur li jikkontribwixxi għat-tiswir tas-suq uniku diġitali;

4.

jenfasizza li n-natura miftuħa tal-Internet hija xprun ewlieni tal-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u l-innovazzjoni, li wasslet ukoll għall-ksib ta’ livelli spettakolari ta’ żvilupp fl-applikazzjonijiet, il-kontenut u s-servizzi onlajn u l-emerġenza ta’ prodotti ġodda, fl-Ewropa u biex dawn ikomplu jiġu promossi;

5.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jisfruttaw b’mod entużjast il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni fil-kuntest tas-suq uniku diġitali, u f’dan ir-rigward qed jiffukaw b’mod partikolari fuq l-oqsma li huma importanti għalihom:

is-servizzi tal-governanza elettronika moderna għall-ekonomija u s-soċjetà, li huma elementi ċentrali tat-titjib tas-servizzi pubbliċi għaċ-ċittadini;

il-promozzjoni tal-kundizzjonijiet ugwali tal-ħajja fiż-żoni urbani u rurali billi jitnaqqas kemm jista’ jkun id-distakk diġitali bl-użu mifrux tal-broadband anki fiż-żoni rurali;

l-iżvilupp fit-tul u interġenerazzjonali, tal-kompetenzi diġitali fl-oqsma kollha tas-soċjetà u l-amministrazzjoni, li jibda mill-edukazzjoni bikrija tat-tfal, u li fl-iskejjel u l-istituzzjonijiet tat-tagħlim, ikompli jħejji l-bażi għat-tagħlim tul il-ħajja;

il-promozzjoni ta’ ambjent li joffri lill-SMEs u l-istart-ups, li huma mibnija fuq it-teknoloġiji diġitali, opportunitajiet aħjar li jiżviluppaw anki fil-livell lokali u reġjonali;

Għaliex għandna bżonn suq uniku diġitali

6.

jaqbel mal-Kummissjoni li t-teknoloġiji diġitali u s-servizzi bbażati fuq l-Internet qed ibiddlu l-ekonomija u s-soċjetà b’mod profond;

7.

jenfasizza li dan il-proċess huwa sfida partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma partikolarment milquta minn ċerti bidliet u li fl-istess waqt għandhom kapaċitajiet limitati biss biex jikkontrollawhom;

8.

jipprevedi b’mod partikolari għalhekk il-ħtieġa li l-azzjonijiet kollha għall-promozzjoni ta’ suq uniku diġitali fil-livell Ewropew u nazzjonali għandhom ifittxu li jiżviluppaw l-attraenza tar-reġjuni b’mod aktar immirat;

9.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni fl-għanijiet tagħha li tiżviluppa s-suq uniku diġitali bħala bażi biex tittejjeb il-kompetittività internazzjonali, billi ċerti pajjiżi għandhom ekonomiji ta’ skali ikbar, li huma ta’ rilevanza partikolari fl-ekonomija diġitali;

10.

iżid jgħid li enfasi unika fuq l-effetti ta’ -netwerk b’dimensjoni Ewropea ma tkunx biżżejjed u li l-ekosistemi diġitali li jiffjorixxu għandhom jiġu żviluppati b’mod aktar parallel mal-SMEs u n-negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu fil-livell lokali u reġjonali, li jiġġeneraw valur miżjud u joħolqu l-impjiegi fuq il-post;

11.

fir-rigward tal-għażla strateġika tat-tliet “pilastri” tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, jenfasizza li, mil-lat tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jeħtieġ li jiġu inklużi l-effetti tad-diġitalizzazzjoni li ġejjin mill-konnessjoni tal-oqsma onlajn u offlajn tal-ekonomija u s-soċjetà, peress li anke f’dawn l-oqsma jistgħu jiġu osservati l-effetti ta’ netwerk f’“ekonomija tal-applikazzjonijiet” permezz ta’ servizzi ġodda ta’ pjattaformi fil-livell lokali u reġjonali;

12.

f’dan il-kuntest iqis li l-kwistjoni tal-migrazzjoni tal-prodotti, is-servizzi u l-applikazzjonijiet minn ambjent offlajn għal wieħed onlajn hija importani, iżda, f’suq uniku diġitali importanti wkoll li jiġi diskuss kif:

(a)

id-diġitalizzazzjoni li toħloq valur lokali u reġjonali tista’ tiġi kkompletata u ssir aktar kompetittiva permezz ta’ “servizzi intelliġenti”,

(b)

l-applikazzjonijiet ġodda, b’mod partikolari fil-ħwienet tradizzjonali li għandhom bosta mezzi ta’ distribuzzjoni, jistgħu jiġbdu lin-nies lejn il-ħajja u x-xogħol fir-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet, pereżempju billi jmorru kontra t-tendenza li l-ħwienet speċjalizzati jagħlqu,

(c)

ir-rabtiet ġodda bejn l-ambjent onlajn u offlajn, bħall-manifattura addittiva (pereżempju l-istampar 3D) jistgħu joħolqu wkoll valur u impjiegi, partikolarment fil-livell lokali u reġjonali,

(d)

“l-Internet tal-oġġetti” jista’ jiġġenera servizzi lokali u modi ġodda ta’ kif jinħoloq il-valur fir-reġjuni wkoll, pereżempju fil-qasam tas-sengħa tal-elettriku;

Aċċess onlajn aħjar għall-konsumaturi u n-negozji fl-Ewropa kollha

13.

jaqbel mal-Kummissjoni li r-regoli moderni għal xiri transkonfinali onlajn ser ikomplu jħeġġulin-negozji biex ibigħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom onlajn madwar l-Ewropa u ser iżidu l-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku transkonfinali;

14.

iqis li l-proposta tal-Kummissjoni għall-armonizzazzjoni, li tħabbret għall-aħħar tal-2015, bħala bażi biex sa ċertu punt titnaqqas l-enfasi attwali fuq il-pjattaformi u l-intermedjarji fit-tranżazzjonijiet tas-suq uniku, billi l-SMEs jiġu offruti bażi aħjar biex jiżviluppaw il-bejgħ dirett tagħhom madwar l-Ewropa kollha;

15.

jaqbel mal-Kummissjoni li, f’dan il-kuntest, l-iżvilupp ta’ suq uniku li jirnexxi ser jissaħħaħ biss jekk il-qafas tal-protezzjoni tal-konsumatur jiġi żviluppat aktar f’livell għoli, u jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, pereżempju fl-iżgurar tal-ġestjoni tal-identitià li għandha tkompli tiġi żviluppata abbażi tal-istandards transkonfinali;

16.

jenfasizza l-importanza tas-servizz transkonfinali tal-kunsinna tal-pakketti b’mod rapidu u affidabbli, u f’dan il-kuntest jilqa’ l-approċċi awtoregolatorji intiżi biex jiġġeneraw effetti kwalitattivi, pereżempju fil-qasam tat-traċċar tal-pakketti u biex itejbu t-trasparenza tal-prezzijiet u l-għażliet tat-twassil, fl-interess tal-konsumaturi;

17.

jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li, fil-maġġoranza tal-każijiet, il-konsumatur ma jifhimx l-imblukkar ġeografiku mhux iġġustifikat b’mod partikolari jekk jiġi rifjutat li jinxtraw servizzi għal reġjun partikolari jew il-konsumatur jiġi riferut lejn sit lokali b’kundizzjonijiet kummerċjali differenti, u għaldaqstant jenfasizza l-limitazzjonijiet eżistenti tas-suq uniku diġitali; madankollu, ifakkar li l-imblukkar ġeografiku huwa r-riżultat, fost oħrajn, tas-sistema attwali ta’ finanzjament tal-produzzjoni awdjoviżiva u x-xiri ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet għal kull liċenzja marbuta mat-territorju. Jindika bl-istess mod li għall-protezzjoni tal-50 miljun ċittadin Ewropew li jitkellmu lingwa reġjonali minoritarja jew li jużaw waħda mil-lingwi użati anqas fl-Unjoni, jeħtieġ li jkun hemm approċċi transkonfinali għas-servizzi tal-midja diġitali. Għalhekk l-aċċess għal ħafna minoritajiet għas-servizzi tal-midja fil-lingwa materna tagħhom għandu jkun possibbli fl-interess tad-diversità lingwistika bħala karatteristika ewlenija tal-Ewropa; itenni għalhekk l-appell tiegħu għal proposta li tipprojbixxi l-imblukkar ġeografiku fis-suq uniku diġitali (1), filwaqt li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi kulturali speċifiċi tal-kontenut awdjoviżiv;

18.

jenfasizza s-sejbiet tal-Kummissjoni li l-produzzjoni kreattiva, speċjalment fir-reġjuni tal-UE, hija waħda mill-punti b’saħħithom tal-Ewropa fil-kompetizzjoni internazzjonali u hija essenzjali għall-iżvilupp tas-suq uniku diġitali;

19.

għaldaqstant jixtieq jara li tingħata kunsiderazzjoni adatta lis-sistema eżistenti ta’ liċenzji territorjali għax-xogħlijiet awdjoviżivi fil-proposti leġislattivi mħabbra mill-Kummissjoni;

20.

jinnota li l-iżviluppi diġitali, bħas-servizzi tal-Cloud jew l-istreaming, jirrappreżentaw sfidi enormi speċjalment fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur;

21.

jilqa’ l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni biex, minn naħa, tistabbilixxi drittijiet tal-awtur aktar armonizzati, bil-għan li tnaqqas il-frammentazzjoni tas-sistemi legali differenti fl-Istati Membri, u min-naħa l-oħra, timmodernizza d-drittijiet tal-awtur u ġġibhom konformi mal-iżviluppi ta’ dawn l-aħħar snin;

22.

jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni li l-immodernizzar tad-drittijiet tal-awtur jiffaċilita t-trasferiment u l-użu tal-kontenut lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, iżda jenfasizza wkoll l-inċentivi għall-produzzjoni kreattiva u l-investiment, jiġifieri d-drittijiet tal-awtur;

23.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-qagħda attwali tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-VAT bejn l-Istati Membri għall-kummerċ intrakomunitarju f’termini ta’ prodotti u servizzi għadha ma toffrix bażi biżżejjed għall-iżvilupp tas-suq uniku diġitali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex fil-proposta li jmiss għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-VAT 2006/112/KE tinkludi dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, b’mod partikolari billi jiġu eliminati l-miżuri diskriminatorji dwar il-midja diġitali;

24.

jinnota li huwa ċar li l-eżenzjoni mill-VAT għall-kunsinni żgħar minn pajjiżi terzi qed tqiegħed pressjoni kompetittiva partikolari fuq l-SMEs f’xi Stati Membri, peress li l-kunsinni żgħar minn pajjiżi terzi jistgħu jinkisbu b’mod relattivament faċli permezz tal-pjattaformi; kwalunkwe riforma ta’ din is-sistema m’għandhiex toħloq piż amministrattiv sproporzjonat u għandha tqis il-valur żgħir ta’ dawn il-kunsinni;

25.

f’dan il-kuntest jilqa’ li fl-2016 il-Kummissjoni beħsiebha tressaq diversi proposti leġislattivi għall-iżvilupp immirat tar-regoli kumplessi tal-VAT;

26.

jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ser tappoġġja l-ħolqien ta’ “ċentri tal-innovazzjoni diġitali” u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura bilanċ ġeografiku fl-allokazzjoni tal-fondi;

Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet ġusti u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għal netwerks diġitali moderni u servizzi innovattivi

27.

jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li n-netwerks u s-servizzi kredibbli, affidabbli, bi prestazzjoni għolja u affordabbli huma l-bażi essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tas-suq uniku diġitali u li settur tat-telekomunikazzjoni kompetittiv u dinamiku jipprovdi l-istimolu meħtieġ għall-innovazzjoni u l-investiment. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ġustament tenfasizza l-importanza ta’ kompetizzjoni effettiva;

28.

jirrakkomanda li jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu l-konnessjoni effiċjenti u fit-tul taż-żoni kollha mal-broadband effiċjenti f’ambjent kompetittiv, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex fil-kuntest tal-implementazzjoni tas-suq uniku diġitali tirrapporta wkoll b’mod regolari dwar il-progress sabiex jingħeleb id-“distakk diġitali” (digital divide) b’mod partikolari fuq livell reġjonali u lokali. Speċjalment fiż-żoni rurali tar-reġjuni u minħabba n-nuqqas ta’ kosteffettività sikwit ma jkun hemm l-ebda żvilupp immexxi mis-suq tan-netwerks tal-broadband b’veloċità għolja, u għaldaqstant il-possibbilatjiet ta’ appoġġ fil-livell Ewropew u nazzjonali għandhom ikomplu jiġu żviluppati. L-individwi u n-negozji għandhom id-dritt għal broadband b’veloċità għolja u r-rati meħtieġa għat-trasferiment tad-data biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom, jitħarrġu jew joperaw in-negozju tagħhom, irrispettivament minn fejn jgħixu;

29.

itenni f’dan il-kuntest l-istedina tiegħu biex proġetti għall-iżvilupp tal-broadband f’żoni rurali u b’densità ta’ popolazzjoni baxxa jiġu rikonoxxuti bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (2); u f’dan il-kuntest jenfasizza l-ħtieġa, b’mod partikolari fuq livell reġjonali, li jkunu ddeterminati l-ħtiġijiet futuri ta’ investiment fil-broadband u jipproponi li jiġu żviluppati possibbiltajiet ġodda għall-finanzjament u l-appoġġ tal-infrastruttura tal-ICT flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment, pereżempju f’żoni rurali;

30.

fid-dawl tal-ftehim li ntlaħaq fit-30 ta’ Ġunju 2015 bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament dwar suq uniku tat-telekomunikazzjoni, jenfasizza li Internet miftuħ u nondiskriminatorju, l-iżvilupp xieraq tan-newtralità tal-Internet u l-iskadenza prevista għall-15 ta’ Ġunju 2017 tat-tariffi tar-roaming fuq in-netwerks tal-mowbajl, huma importanti ħafna fir-reġjuni kollha Ewropej u b’mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntieri;

31.

jenfasizza f’dan il-kuntest, b’mod partikolari fil-konfront tal-Kummissjoni u l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi li l-miżuri neċessarji kollha għandhom importanza partikolari sabiex is-Suq Uniku Diġitali jgawdi minn aċċettanza wiesgħa u viżibbiltà għall-utenti finali Ewropej. Dawn il-miżuri huma meħtieġa sabiex l-iskadenzi stipulati jkunu jistgħu jintlaħqu b’mod korrispondenti. Għall-utenti finali b’mod partikolari għandu jkun hemm konfigurazzjoni skont il-bżonn tar-regola dwar l-użu xieraq (“fair use policy”) fl-użu ta’ servizzi tar-roaming irregolati;

32.

fid-dawl tar-rata tal-iżvilupp f’dawn l-aħħar snin, jenfasizza li l-iżvilupp adegwat ta’ qafas regolatorju dwar l-ICT għandu jkollu l-għan ukoll li joħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni biex jitnaqqsu l-iżvantaġġi strutturali permezz ta’ impenji unilaterali għall-operaturi tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni fi swieq konverġenti;

33.

jinnota li jista’ jappoġġja parzjalment biss il-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward in-nuqqas ta’ konsistenza u prevedibbiltà tar-regolamentazzjoni fl-UE, peress li l-aħħar proċess ta’ reviżjoni tat-telekomunikazzjoni u l-“Artikolu 7 – Proċedura ta’ notifika” tiegħu kien pass ‘il quddiem lejn aktar konsistenza regolatorja;

34.

jilqa’, għalhekk, li mill-2016 ser titnieda reviżjoni bir-reqqa dwar il-bżonn li jiġu adattati r-regoli tat-telekomunikazzjoni;

35.

jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tfassal proposti ta’ armonizzazzjoni fir-rigward l-aċċess għal meded ta’ frekwenza ta’ 700 MHz, li huwa essenzjali biex tiġi assigurata l-provvista ta’ servizzi tal-broadband fiż-żoni rurali. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprepara malajr l-aċċess għal meded ta’ frekwenza ta’ 800 MHz, sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tal-aħħar teknoloġija 4G. Diskussjoni fil-livell nazzjonali dwar ċerti parametri tal-allokazzjoni u l-użu tal-ispettru tar-radju fil-kuntest tal-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju tista’ tiġġenera effetti sinifikanti tas-suq uniku. L-ispettru tar-radju f’bosta każijiet jirrappreżenta u jippromovi applikazzjonijiet reġjonali u identitajiet kulturali tal-midja. Fid-dawl ta’ dan, għandhom isiru sforzi biex jiġu bbilanċjati l-interessi diverġenti fl-iżvilupp ulterjuri;

36.

jemmen li r-reviżjoni mħabbra tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja awdjoviżiva, minn naħa, għandha toħloq stimolu importanti biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta’ żvilupp ta’ suq uniku diġitali modern u, min-naħa l-oħra, għall-promozzjoni ta’ xenarju Ewropew tal-midja awdjoviżiva kulturalment divers u ta’ kwalità għolja. Il-konverġenza tal-midja għandha ssegwi konverġenza tar-regolamentazzjoni b’opportunitajiet kompetittivi ġusti għall-operaturi kollha tal-midja;

37.

jenfasizza bis-sħiħ li l-pjattaformi spiss iwettqu r-rwol ta’ atturi tas-suq, u apparti li jipprovdu possibbiltajiet ġodda ta’ negozju sikwit jinfluwenzaw l-istrutturi ekonomiċi u soċjali lokali u reġjonali. Għalhekk, il-pjattaformi u l-intermedjarji għandhom rwol strateġiku u l-iżvilupp tiegħu għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib fir-rigward tar-rekwiżiti regolatorji emerġenti. Ta’ min jinnota f’dan ir-rigward li l-effetti ta’ netwerk isaħħu u jikkonsolidaw is-saħħa fis-suq tal-pjattaformi u b’hekk iżidu r-riskju ta’ abbuż ta’ din is-saħħa;

38.

jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tindirizza biss b’mod superfiċjali t-tema ta’ “ekonomija kollaborattiva” u ma fihiex proposti dwar approċċ koordinat f’dak li jirrigwarda r-regoli applikabbli għaliha, sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ħielsa u ġusta, jiġifieri l-istess kundizzjonijiet fir-rigward tar-regolamentazzjoni u l-qafas bħal dawk għal negozji tradizzjonali, sikurezza tal-konsumatur u kundizzjonijiet ta’ impjieg, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mat-tassazzjoni fuq id-dħul iġġenerat permezz ta’ pjattaformi ta’ skambji. Il-Kumitat jinnota wkoll b’ċertu tħassib li l-attivitajiet kummerċjali fl-“ekonomija kollaborattiva” għaddejjin minn bidliet strutturali, u r-riskji intraprenditorjali sikwit jibqgħu mal-atturi lokali u reġjonali, iżda, minħabba l-effetti enormi ta’ netwerk tal-pjattaformi u l-intermedjarji, il-ħolqien tal-valur qed jiġi trasferit ‘il barra mir-reġjun. F’dan ir-rigward, l-interazzjoni kumplessa bejn il-possibbiltajiet ta’ tkabbir bi klijenti ġodda fis-suq uniku diġitali u l-bidliet strutturali negattivi fir-reġjuni għandha tiġi monitorjata mill-qrib;

39.

jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni hija fundamentali għall-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, peress li l-edukazzjoni taqdi rwol importanti fis-soċjetà bl-għoti tal-ħiliet fundamentali anki fil-qasam diġitali. Sabiex jiġu sfruttati l-opportunitajiet kbar għall-approċċi u l-metodi l-ġodda fil-qasam tal-edukazzjoni, għandu jiġi promoss l-iżvilupp ta’ metodi innovattivi u diġitali fil-qasam tal-edukazzjoni, u fl-istess ħin l-edukaturi u l-partijiet interessati kollha involuti f’dan il-proċess għandhom ikunu appoġġati u mħeġġa b’mod adegwat;

40.

jilqa’, f’dan il-kuntest, l-enfasi li l-Kummissjoni għamlet fl-istudji tagħha dwar ir-rwol tal-pjattaformi li għad iridu jitnedew fl-2015;

41.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi strateġika ċara tal-Kummissjoni fuq l-importanza taċ-ċibersigurtà fis-servizzi diġitali u t-trattament kunfidenzjali tad-data personali bħala bażi essenzjali għall-iżvilupp tas-suq uniku diġitali;

42.

jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza partikolari tad-Direttiva Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data futura, kemm bħala bażi għal żviluppi ta’ servizzi fis-suq uniku diġitali li huma affidabbli, kif ukoll il-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni sabiex l-intrapriżi reġjonali jingħataw opportunitajiet aħjar ta’ żvilupp;

Il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tat-tkabbir tal-Ekonomija Diġitali

43.

jilqa’ d-dikjarazzjoni ċara tal-Kummissjoni li s-setturi kollha tal-ekonomija jridu jgħaddu mid-diġitizzazzjoni u l-biċċa kbira tas-setturi probabbilment jiġu involuti aktar f’ekosistemi diġitali;

44.

jinnota li l-mod kif l-Ewropa jirnexxilha fil-perjodu twil timplimenta l-potenzjal kważi illimitat ta’ ħolqien ta’ valur tad-diġitalizzazzjoni ser jaqdi rwol essenzjali fil-prosperità fit-tul tar-reġjuni u ż-żoni rurali tal-Ewropa;

45.

bħall-Kummissjoni, iqis li waħda mill-isfidi ewlenin għal suq uniku diġitali hija l-ħolqien ta’ ekonomija tad-data sostenibbli, anke fil-kuntest industrijali (Industrija 4.0). Hawnhekk, it-tendenzi ta’ żvilupp teknoloġiku ta’ dawn l-aħħar snin joffru bosta opportunitajiet ta’ ħolqien ta’ valur ġdid. Madankollu ta’ min jinnota li jeżistu sfidi tekniċi, strutturali u legali enormi anke għall-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan ir-rigward;

46.

jenfasizza l-interoperabbiltà bħala fattur ewlieni orizzontali għall-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ netwerks diġitali ġodda ta’ ħolqien tal-valur abbażi tal-istandards fejn is-servizzi tal-gvern elettroniku, b’mod partikolari fl-awtoritajiet lokali u reġjonali, jistgħu jagħmlu kontribut sinifikanti;

47.

jenfasizza l-importanza enormi tal-litteriżmu u l-ħiliet diġitali taċ-ċittadini, il-ħaddiema u dawk li qed ifittxu x-xogħol, għall-implimentazzjoni komprensiva tad-diġitalizzazzjoni fl-ekonomija u s-soċjetà. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li f’bosta każijiet ikunu responsabbli għall-iskejjel u l-edukazzjoni, jaqdu rwol ewlieni fit-tul fl-iżvilupp tal-ħiliet diġitali;

48.

f’dan il-kuntest ta’ avvanzi rapidi fid-diġitalizzazzjoni fl-oqsma kollha tas-soċjetà, jitlob għall-inklużjoni diġitali sabiex il-vantaġġġi tas-soċjetà diġitali jkunu disponibbli għal kulħadd;

49.

jirrakkomanda wkoll l-iskambju ta’ data, filwaqt li jiġu rispettati l-istandards ta’ privatezza ta’ pajjiżi individwali, għal kwalunkwe skop u proċess ta’ utilità komuni, sors ta’ simplifikazzjoni ġenwina u standardizzazzjoni, ċertament fil-livell nazzjonali (proċessi li diġà jeżistu f’xi pajjiżi), iżda wkoll fuq livell transnazzjonali.

50.

għal żvilupp ġenwin tas-suq uniku diġitali, jirrakkomanda ristrutturar fil-fond tal-proċessi kemm fl-amministrazzjoni pubblika kif ukoll fil-kumpaniji. Il-ħsieb diġitali u l-ħolqien ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda ma jfissrux li jiġu replikati b’mod diġitali sekwenzi ta’ azzjonijiet manwali u flussi ta’ dokumenti fuq il-karta. Minflok għandhom jiġu simplifikati, anki fid-dawl tal-użu tal-istrumenti diġitali innovattivi li diġà jeżistu, il-flussi u l-proċeduri interni u esterni fl-ekonomija sabiex il-proċess ta’ komunikazzjoni bejn id-diversi partijiet interessati jitħaffef u jsir iżjed effiċjenti, kif ukoll jinħolqu servizzi personalizzati u ta’ valur miżjud akbar;

51.

jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-gvern elettroniku huwa strument ewlieni biex ikomplu jiżdiedu l-kosteffettività u l-kwalità tas-servizzi tas-settur pubbliku, b’mod partikolari wkoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għan-negozji u ċ-ċittadini;

52.

jenfasizza li, fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku 2016-2020 li tħabbar, permezz ta’ strutturi mtejba tal-portali u s-servizzi tas-settur pubbliku jistgħu jiġu ġġenerati effetti pożittivi u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, partikolarment dawk fir-reġjuni metropolitani transkonfinali, jistgħu jikkontribwixxu bil-kbir għalihom;

53.

madankollu jevalwa b’mod aktar konservattiv mill-Kummissjoni l-effett ta’ lieva u l-potenzjal ta’ ffrankar f’dan il-qasam permezz ta’ kisbiet fl-effiċjenza fil-futur qarib, u jitlob biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti partikolarment mill-qrib fit-tiswir u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw aħjar il-potenzjal ta’ gvern elettroniku tagħhom. Għandha tingħata aktar attenzjoni lill-awtoritajiet lokali iżgħar li m’għandhomx il-kapaċitajiet u lanqas ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa sabiex jiffaċċjaw bl-aħjar mod l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni. Għandhom jiġu ttestjati wkoll forom organizzattivi ġodda ta’ kollaborazzjoni bil-għan li jippermettu għoti aħjar ta’ dawn is-servizzi, li jista’ jkollhom metodi differenti minn dawk li jintużaw għall-għoti ta’ oġġetti jew servizzi fiżiċi eżistenti;

Il-ħolqien tas-Suq Uniku Diġitali

54.

jenfasizza, f’dan il-kuntest, li b’rabta mal-ħtieġa għall-adattament tal-istrutturi governattivi, ir-responsabbiltà u r-rwol mexxej għandhom jiġu allokati lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala l-“interfaċċa” ewlenija tas-settur pubbliku maċ-ċittadini u n-negozji;

55.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq it-titjib tal-klima ta’ investiment għan-netwerks diġitali, ir-riċerka u n-negozji innovattivi, anke sabiex jingħeleb id-distakk diġitali bejn iż-żoni urbani u dawk rurali.

Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Riżoluzzjoni tal-KtR dwar il-prijoritajiet għall-Programm ta’ Ħidma tal-2016 tal-Kummissjoni Ewropea, punt 27.

(2)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52013AR5960&from = EN


17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/30


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva

(2015/C 423/06)

Relatur:

Jean-François ISTASSE (BE/PSE), Membru, Kunsill Muniċipali ta' Verviers

I.   KUMMENTI ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

1.

iqis li huwa xieraq li tiġi riveduta d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (SMA) fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi li qed jevolvu kostantament, is-sitwazzjoni ġeopolitika u l-implikazzjonijiet tagħhom fuq il-modi ta' produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-midja awdjoviżiva;

2.

ifakkar fl-importanza li tinżamm referenza espliċita għad-diversità kulturali bħala pilastru fundamentali tad-Direttiva dwar l-SMA, partikolarment fid-dawl tal-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali; għaldaqstant, il-KtR josserva li l-Midja tas-Servizz Pubbliku reġjonali – rappreżentata fl-Europa mill-CIRCOM – tipprovdi dan is-servizz, u xxandar aħbarijiet u programmi qrib sew tat-territorji kif ukoll tal-komunitajiet ta' lingwi minoritarji;

3.

jenfasizza l-bżonn ta' politiki favur il-pluraliżmu tal-midja tal-informazzjoni, il-protezzjoni tal-libertajiet individwali u l-konformità mal-istandards internazzjonali li huma garanzija tad-demokrazija; josserva li ser ikollhom jiġu żviluppati inizjattivi ġodda biex tiġi garantita midja indipendenti u pluralistika bħala l-pilastru tad-demokrazija reġjonali u lokali;

4.

jisħaq fuq il-bżonn li fid-Direttiva dwar l-SMA titqies id-dimensjoni reġjonali b'mod partikolari biex jissaħħu l-identitajiet kulturali Ewropej, il-koproduzzjonijiet transkonfinali fi ħdan l-UE u l-innovazzjonijiet kreattivi lokali;

5.

jinnota s-saħħa ekonomika tal-industrija kulturali, il-kapaċità kbira tagħha li toħloq il-valur u l-potenzjal li għandha f’termini ta’ impjiegi ta’ kwalità fis-setturi ekonomiċi tal-ġejjieni;

6.

jaqsam l-istess rieda li esprimiet il-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha ''It-tħejjija għal Dinja Awdjoviżiva Konverġenti b’Mod Komplet: Tkabbir, Ħolqien u Valuri'' li 'tiżgura l-akbar aċċess possibbli għal kontenut Ewropew diversifikat għall-Ewropej kollha u biex tiżgura l-usa' għażla ta’ offerti ta’ kwalità għolja'; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa ta' regolamentazzjoni dwar l-aċċessibbiltà għas-servizz pubbliku awdjoviżiv reġjonali, biex ikun magħruf b'mod partikolari l-ambitu u l-entità tas-servizzi proposti;

7.

jinnota b’sodisfazzjon ix-xewqa espressa mill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tal-Istrateġija għas-suq uniku diġitali, li timmodernizza l-leġislazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u li tiżgura bilanċ ġust bejn l-interessi ta' min ikun ħoloq il-prodott u tal-utenti sabiex jiġi promoss aċċess għall-kultura u d-diversità kulturali;

8.

jinsisti fuq l-utilità tas-sistema doppja li hija karatteristika tal-qasam awdjoviżiv Ewropew, li tiżgura l-koeżistenza stimulanti ta’ atturi pubbliċi u privati, u jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-finanzjament pubbliku sostenibbli u suffiċjenti ta’ operaturi awdjoviżivi pubbliċi biex iwettqu l-kompiti ta’ servizzi pubbliċi, kemm jekk huma servizzi lineari kif ukoll jekk huma non-lineari; dan għandu jsir b'rispett sħiħ tar-regoli Ewropej applikabbli għall-finanzjament tas-servizzi pubbliċi tax-xandir awdjo diġitali;

9.

itenni l-importanza ta’ regolament effettiv dwar l-SMA, li jfisser b'mod partikolari kooperazzjoni reali bejn ir-regolaturi u l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali kemm mill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll minn atturi awdjoviżivi u mill-partiti politiċi;

10.

jenfasizza fuq il-funzjoni ta' koeżjoni soċjali, li tant hija essenzjali għaċ-ċittadinanza Ewropea, li għandha l-midja awdjoviżiva Ewropea;

11.

iqis li estensjoni tal-ambitu tad-Direttiva dwar l-SMA hija neċessarja, li tinkludi wkoll kontenut awdjoviżiv li ma jistax jiġi kwalifikat bħala “televiżiv”;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

L-ambitu tad-Direttiva

12.

iqis li l-ambitu tad-Direttiva dwar l-SMA għandu jkopri kull tip ta' fornituri ta’ kontenut awdjoviżiv, inklużi dawk li jipprovdu hosting tal-kontenut iġġenerat mill-utenti;

13.

jirrakkomanda li tiġi analizzata r-rilevanza tal-ħolqien potenzjali ta’ kategoriji ġodda ta’ fornituri ta’ servizzi, li jitqiesu bħala distributuri tas-servizzi fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva, indipendentement mill-pjattaforma tax-xandir;

14.

fil-każ li jinħolqu kategoriji ġodda, jenfasizza l-importanza li, possibbilment, jiġu ppreżentati dawn il-kategoriji ġodda ta’ fornituri tas-servizzi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva, skont in-natura tal-attività tagħhom;

15.

jinnota li, wara li jkun għadda l-istadju tal-għażla tal-programm, il-konsumatur jitqiegħed f’sitwazzjoni ta’ osservazzjoni simili, kemm jekk is-servizz ikun lineari u anki jekk mhux lineari, u għalhekk id-differenza fit-trattament li tagħti d-Direttiva dwar l-SMA lis-servizzi lineari u mhux lineari fir-rigward tal-protezzjoni tal-minuri u tal-komunikazzjoni kummerċjali għandhom jiġu adattati;

16.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiċċara l-kunċett ta’ “responsabbiltà editorjali” li tikkaratterizza l-attività ta’ fornitur ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva, kif jinsab fid-Direttiva attwali, sabiex dan jiġbor fih kemm ir-responsabilità tal-ħolqien tas-servizz kif ukoll ir-responsabbiltà legali marbuta;

17.

jitlob li d-Direttiva tinkludi distinzjoni ċara fir-regoli applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva li jeżerċitaw kontroll editorjali sħiħ fuq is-servizzi u l-programmi li joffru u l-fornituri ta’ servizzi li ma jeżerċitawx tali kontroll, bħad-distributuri ta’ servizzi u tas-servizzi over-the-top (OTT) inkluż il-magni tat-tiftix, in-netwerks soċjali, l-aggregaturi tal-kontenut, is-servizzi tal-kummerċ elettroniku, il-portali jew is-servizzi ta' skambju onlajn;

18.

jinnota li l-midja lokali u reġjonali jinsabu taħt pressjoni dejjem ikbar. Hemm ir-riskju li tgħib il-provvista tal-aħbarijiet lokali. Sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tal-kontenut tal-aħbarijiet lokali u reġjonali u midja pluralistika għandu jinħoloq qafas legali għal kooperazzjoni pubblika/privata u, fejn hemm bżonn, il-leġislazzjoni tiġi adattata biex jiġu evitati t-tfixkil tas-suq jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

Il-valutazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini

19.

kif esprima fl-opinjoni tiegħu dwar iċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali (1), jitlob valutazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini hekk kif jinsab fid-Direttiva dwar l-SMA b'kunsiderazzjoni b'mod partikolari tal-kwistjonijiet ta' ċertezza legali neċessarja għall-iżvilupp tal-atturi awdjoviżivi Ewropej Għalhekk għandha tiġi analizzata r-rilevanza li tingħata ħarsa wkoll lejn l-hekk imsejjaħ ''prinċipju tal-pajjiż tad-destinazzjoni'' bħalma hemm f'xi Stati Membri, sakemm dan ma jnaqqasx mill-kontenut tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini;

20.

iqis, bħall-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2014 dwar it-tħejjija għal dinja awdjoviżiva konverġenti b’mod komplet, li hemm bżonn li r-regoli tal-liġi Ewropea jiġu adattati għar-realtajiet tal-internet u tal-ambjent diġitali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kumpaniji li joffru kontenut awdjoviżiv online li jippruvaw jevadu t-taxxa f’xi Stati Membri billi jistabbilixxu rwieħhom f’pajjiżi fejn hemm rati tat-taxxa baxxi;

21.

iħeġġeġ li tissaħħaħ u tinfirex (b'mod partikolari għas-servizzi non-lineari) id-dispożizzjoni attwali prevista f'Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-SMA li għandha l-għan li tipprevjeni l-evażjoni tal-miżuri Ewropej u nazzjonali;

22.

iqis adegwat li l-fornituri ta' servizzi tal-media awdjoviżiva stabbiliti barra mill-UE li jindirizzaw udjenzi fl-UE jkunu meħtieġa li jirreġistraw jew jaħtru rappreżentant fi Stat Membru (pereżempju, il-pajjiż prinċipali mmirat;

23.

iqis li l-kriterju prinċipali li jgħaqqad fornitur tal-SMA ma' Stat Membri għandu jkun il-kriterju tal-post ta’ negozju, jiġifieri l-post fejn hija impjegata l-biċċa l-kbira tal-forza tax-xogħol f'attivitajiet relatati mal-SMA;

Aċċessibbiltà

24.

jinnota l-importanza dejjem tikber tas-servizzi OTT – definiti bħala mod ta' distribuzzjoni tal-kontenut permezz tal-internet u mingħajr azzjoni intermedjarja li jipprovdu servizzi tal-internet lil hinn mit-trasport tad-data – ir-rwol tagħhom li dejjem jikber ta’ konnessjoni bejn iċ-ċittadini u l-kontenut awdjoviżiv, jenfasizza l-utilità ta’ regolamentazzjoni effettiva applikata għal dawn is-servizzi biex jiżguraw l-aċċess għal provvista pluralistika ta’ informazzjoni u d-diversità tal-kontenut awdjoviżiv;

25.

jemmen li huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-produtturi ta’ kontenut awdjoviżiv lokali u reġjonali jkollhom aċċess ugwali għaċ-ċittadini, inkluż fejn tali kontenut jixxandar minn aggregaturi;

26.

iqis li dan il-prinċipju ta’ aċċess ugwali għaċ-ċittadini minn produtturi lokali u reġjonali ta' kontenut awdjoviżiv, għandu jiggwida r-riflessjoni tal-korpi Ewropej;

27.

jitlob għall-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jiżguraw li s-servizzi OTT u l-fornituri tas-servizzi tal-internet u tat-telekomunikazzjonijiet ma' jkunux jistgħu bl-ebda mod jiffavorixxu l-kontenut tagħhom stess jew l-kontenut tal-għażla tagħhom meta jaġixxu bħala distributuri tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, b’mod partikolari biex jippromwovu d-diversità kulturali. Il-punt kruċjali hawnhekk huwa li għandhom jiġu rispettati u żgurati l-kwalità u l-integrità tas-sinjal tal-kanal tal-programmi, bħalma jinħareġ mill-korp tax-xandir;

28.

sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-prinċipji tad-diversità kulturali u l-pluraliżmu tal-midja, jafferma li t-tiftix u s-sejba ta’ kontenut awdjoviżiv ma tistax fi kwalunkwe każ tiddependi minn interessi ekonomiċi;

29.

jitlob li jiġi żgurat, matul ir-reviżjoni tad-Direttiva, li jiġu adottati l-miżuri neċessarji li jħarsu l-integrità tal-kontenut, kemm tal-awturi ta' dan il-kontenut kif ukoll tal-konsumaturi;

L-imblukkar ġeografiku

30.

iqis li r-rimunerazzjoni ġusta tal-awturi ta’ kontenut awdjoviżiv hija prerekwiżit li m'għandux ikun hemm dubju minnu;

31.

jemmen li huwa neċessarju li f’dinja diġitali konverġenti, tiġi żgurata katina ta' valur stimulanti għall-produzzjoni awdjoviżiva Ewropea;

32.

iqis li l-kontenut awdjoviżiv reġjonali u lokali finanzjat u żviluppat mill-fondi pubbliċi għandu jkun disponibbli kullimkien fl-UE. M'għandux ikun hemm ostakli diġitali għal dan;

33.

jitlob lill-Kummissjoni biex meta tkun qed tikkunsidra l-imblukkar ġeografiku tal-kontenut awdjoviżiv tqis l-ispeċifiċità kulturali tat-tali kontenut;

34.

bl-istess mod jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tieħu l-passi meħtieġa biex tappoġġja l-fornituri Ewropej tal-kontenut awdjoviżiv u d-distributuri Ewropej u nazzjonali;

35.

iqis li l-prinċipju tat-territorjalità tad-dritt tal-awtur għandu jinżamm billi dan il-mekkaniżmu wera l-effikaċja tiegħu sabiex tiġi żgurata rimunerazzjoni lill-awturi u biex jippromwovi l-ħolqien ta' kontenut awdjoviżiv Ewropew ta’ kwalità;

36.

jappoġġja l-introduzzjoni tal-portabilità tad-drittijiet mill-utenti tal-SMA u, b’mod partikolari, il-portabilità ta’ drittijiet relatati ma’ abbonamenti awdjoviżwali, li jippermettilhom aċċess għas-servizzi li għandhom fil-pajjiż tagħhom huma u jivvjaġġaw f'postijiet oħra fl-Unjoni Ewropea;

37.

jitlob li tingħata attenzjoni speċjali wkoll lill-minoranzi lingwistiċi u kulturali tal-Unjoni Ewropea li huma affettwati mill-politiki tal-imblukkar ġeografiku li jimpedixxi lill-persuni kkonċernati milli jkollhom aċċess għall-SMA fil-lingwa tagħhom;

Xogħlijiet Ewropej u indipendenti

38.

jinkoraġġixxi lill-atturi kollha tal-qasam awdjoviżiv tal-Ewropa sabiex jiffavorixxu l-iżvilupp ta’ kontenut ta’ kwalità għolja sabiex tissaħħaħ l-attrazzjoni tal-provvista Ewropea tas-servizzi lineari u mhux lineari;

39.

jenfasizza l-importanza li tkun effettiva d-Direttiva dwar l-SMA li tirrakkomanda “li jiġu adottati miżuri adattati sabiex jinkoraġġixxu l-attività u l-iżvilupp tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni awdjoviżwali Ewropea, partikolarment f’pajjiżi b’kapaċità baxxa ta' produzzjoni awdjoviżwali jew żona ristretta tal-lingwa”, ukoll fuq livell reġjonali;

40.

jitlob li għas-servizzi lineari u mhux lineari, l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jimplimentaw sistemi ta’ kontribut finanzjarju li jappoġġja l-katina awdjoviżiva kollha, inkluż il-produzzjoni tax-xogħlijiet Ewropej, kif attwalment huwa stabbilit, fuq bażi fakultattiva, għal servizzi mhux lineari fl-Artikolu 13 tad-Direttiva, u inkluża l-kisba tad-drittijiet għal dawn ix-xogħlijiet u l-promozzjoni tagħhom;

41.

billi jsegwi l-istess għan ta' promozzjoni tax-xogħlijiet u tal-programmi Ewropej ta' kwalità, iqis li miżuri iktar avvanzati għall-armonizzazzjoni ta' din il-promozzjoni għas-servizzi lineari kif ukoll non-lineari huma neċessarji;

Il-ħarsien tal-konsumatur

42.

jirrakkomanda li jitħarsu l-prinċipji ewlenin tal-ħarsien tal-konsumatur fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali u li d-dispożizzjonijiet ġodda li għandhom jiġu adottati fil-qafas tal-konverġenza jiffukaw fuq l-ispazju dedikat għat-tfassil ta' dan il-programm;

43.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar prattiki ġodda ta’ riklamar u strateġiji żviluppati fuq is-servizzi non-lineari, li għandhom l-għan li jżidu l-effikaċja ta’ messaġġi u l-perikli potenzjali li jinvolvu fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-ħajjiet privati u d-data personali tagħhom;

44.

jitlob, għalhekk, l-introduzzjoni ta’ korp koerenti u unitarju ta’ miżuri biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ konsumaturi ta’ servizzi lineari u mhux lineari tal-midja awdjoviżiva;

45.

jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-rabta bejn kwistjonijiet relatati ma' dak li jidher li hu bla ħlas, l-aċċessibbiltà, il-kwalità tal-kontenut u r-riskji li jolqtu l-libertajiet individwali taċ-ċittadini, inkluż l-użu tal-informazzjoni personali tagħhom;

46.

jenfasizza kif il-promozzjoni ta' kompetenza diġitali iktar mifruxa u konxja, issaħħaħ il-kapaċità ta' kontroll u ta' prevenzjoni taċ-ċittadini u r-rappreżentanzi tagħhom fuq il-periklu li, fil-livelli ekonomiku-kummerċjali u kulturali, jitbattlu l-partikolarità u d-differenzi territorjali, sabiex tingħata offerta omoġenja tal-Midja tas-Servizz Pubbliku eġemonu ta' min għandu s-sjieda tan-netwerk;

Protezzjoni tal-minuri

47.

jissuġġerixxi regolament simili għall-programmi li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-minuri, irrispettivament mill-mod ta’ kif jaċċessaw dawn il-programmi u s-sorsi ta' trażmissjoni kemm għal servizz lineari kif ukoll servizz mhux lineari; jenfasizza li fil-maġġoranza tas-servizzi tal-midja pubbliċi Ewropej, nazzjonali u reġjonali l-programmi u l-ispazji ta' trasmissjoni għall-minuri huma rregolati b'mod kuntrattwali jew legali;

48.

jappella għall-introduzzjoni ta’ inċentivi favur il-kontenut speċifikament iddisinjat u adattat għat-tfal kif ukoll il-promozzjoni ta' sħubiji bejn operaturi awdjoviżivi u l-komunità tal-edukazzjoni fl-ambjent diġitali. Ser ikollhom jinħolqu programmi edukattivi sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu, fi stadju bikri, jitrawmu f'kull tip ta' midja soċjali, kontenut diġitali u provvista ta' informazzjoni eċċ.;

Il-litteriżmu medjatiku

49.

jappella għal aktar promozzjoni ta' kontenut relatat mal-litteriżmu medjatiku, b'mod partikolari l-midja l-ġdida; jappella biex il-midja kollha disponibbli – diġitali u analoga – tiġi applikata b'mod intelliġenti biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja u tieħu ħsieb li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-midja bl-aħjar mod possibbli;

Stampa onlajn

50.

iqis li hemm bżonn ta' eżami profond tal-opportunità li fil-qasam ta' din id-direttiva jiġu integrati ċerti sezzjonijiet tal-istampa online (vidjo) u s-servizzi ta' downloading (download-to-rentdownload-to-own) b’mod partikolari permezz ta’ reviżjoni tad-definizzjoni ta’ “servizz tal-media awdjoviżiva”;

51.

jinnota li l-mandat ta’ negozjar tat-TTIP jistipula espressament li “il-Ftehim ma għandux jinkludi dispożizzjonijiet li jirriskjaw li jagħmlu ħsara lid-diversità kulturali u lingwistika tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, jiġifieri fis-settur kulturali u lanqas jillimitaw lill-Unjoni u lil dawk l-Istati Membri tagħha milli jżommu l-politiki u l-miżuri eżistenti b'appoġġ għas-settur kulturali minħabba l-istatus speċjali tiegħu fi ħdan l-UE u l-Istati Membri tagħha”;

Regolament

52.

jappoġġja li fid-Direttiva dwar l-SMA, jiġu inklużi l-prinċipji msejsa fid-dikjarazzjoni tat-twaqqif tal-ERGA – il-grupp ta’ regolaturi Ewropej tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva – li tgħid li 'l-identifikazzjoni, fil-livell Ewropew, ta’ karatteristiċi komuni li r-regolaturi indipendenti kollha għandu jkollhom' f’termini ta’ indipendenza, ta' teħid ta’ deċiżjonijiet u ħatra trasparenti, ta' kompetenza u għarfien, ta' setgħat ta' implimentazzjoni effikaċi, il-mekkaniżmi ta’ soluzzjoni tat-tilwim u r-reviżjoni tad-deċiżjonijiet tar-regolaturi minn awtorità ġudizzjarja.

Brussell, it-13 ta' Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52014IR3660&from=EN


17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/35


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strumenti finanzjarji b'appoġġ għall-iżvilupp territorjali

(2015/C 423/07)

Relatur:

Is-Sur Struzik (PL/PPE), President tar-Reġjun ta' Mazovieckie

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

1.

iressaq rakkomandazzjonijiet dwar l-użu tal-istrumenti finanzjarji għall-iżvilupp territorjali, u jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq analiżi tal-ambjent legali, il-kwistjoni tal-utilità għall-politika għall-iżvilupp territorjali, u miżuri li jiżguraw l-effiċjenza u jipprovdu qafas istituzzjonali għall-użu tal-istrumenti finanzjarji;

2.

jenfasizza li, fid-dawl tal-importanza tal-użu tal-istrumenti finanzjarji għall-iżvilupp territorjali, il-proċess tat-tħejjija ta' din l-Opinjoni inkluda l-ġbir tal-esperjenzi tal-membri tal-Kummissjoni COTER u l-Grupp BUDG u t-twettiq ta' konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u partijiet interessati oħra jħaddnu għarfien u esperjenza tal-użu tal-istrumenti finanzjarji;

3.

jirrikonoxxi li l-istrumenti finanzjarji jistgħu jkunu għodda importanti fl-iżvilupp territorjali. Finanzjament rimborżabbli jista' jiżgura influwenza aktar qawwija mill-kapital investit f'ċerti oqsma fejn il-finanzjament privat jista' jikkomplementa finanzjament pubbliku u fejn il-qligħ huwa attraenti biżżejjed;

4.

jenfasizza li s-sistema ta' għotjiet għandha rwol importanti biex jiġi stimolat l-iżvilupp territorjali b'mod partikolari f'oqsma fejn is-suq falla u fejn l-isfidi ta' koeżjoni territorjali huma kwistjoni reali u jindika n-natura kumplementari tal-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji kif suppost japplikaw għal sitwazzjonijiet differenti. Il-promozzjoni tal-użu ta' strumenti finanzjarji m'għandhiex twassal għal tnaqqis kbir wisq fis-sistema ta' għotjiet jew għal effett ta' ffullar (crowding out) fuq il-baġit tal-UE allokat għall-politika ta' koeżjoni;

5.

jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-isfidi tal-implimentazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni 2014-2020 adottati fid-9 ta' Ġunju 2015 f'Riga; f'dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni hija mitluba “biex tipprovdi gwida dwar l-użu ta’ strumenti finanzjarji u dwar is-sinerġiji bejn l-istrumenti differenti fil-ħin, b’mod koerenti, konsistenti u ċar u biex tesplora l-opportunitajiet kollha biex ikun hemm aktar ċarezza, li fl-ebda każ li ma tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali maqbula mill-koleġislaturi billi jinħolqu obbligi addizzjonali”;

6.

jirrikonoxxi l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali ta' Mejju 2015 dwar l-użu ta' strumenti finanzjarji fiż-żoni rurali (1), li enfasizza r-riskju ta' kapitalizzazzjoni żejda tal-fond ta' garanzija relattiv għad-domanda tal-investitur privat, u wkoll il-konsegwenzi assoċjati ma' nuqqas ta' lieva meta jkun meħtieġ il-finanzjament privat biex iżid il-fondi pubbliċi. Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu tagħlima minn dan ir-rapport;

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jixtieq jenfasizza li:

Ambjent regolatorju

7.

l-għan tal-intervent pubbliku permezz tal-fondi strutturali huwa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Meta jistabbilixxu l-pożizzjoni tagħhom jew jiddeċiedu dwar l-istrumenti finanzjarji, l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni u dawk nazzjonali għandhom dejjem jinkludu l-valutazzjoni tal-impatt tagħhom dwar l-isforzi biex jilħqu dan l-għan;

8.

in-nuqqas ta' regolamentazzjoni tal-użu tal-istrumenti finanzjarji hija ta' ħsara daqs ir-regolamentazzjoni żejda. Huwa importanti li, b'mod partikolari fil-bidu tal-perspettiva finanzjarja 2014-2020, jiġu adottati minnufih is-soluzzjonijiet legali kollha meħtieġa sabiex ma jiġux ripetuti l-iżbalji li saru fil-bidu tal-perspettiva finanzjarja 2007-2013;

9.

ir-regolazzjoni fil-livell tal-UE wara l-bidu tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-istrumenti ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) għandha ssir biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali. Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea (KE), jikkonsultaw lir-rappreżentanti tar-reġjuni dwar kull bidla regolatorja li tħalli impatt fuq l-ipprogrammar, l-implimentazzjoni u l-kontabbiltà tal-istrumenti finanzjarji rilevanti għall-iżvilupp territorjali;

10.

jeħtieġ li jiġi stabbilit djalogu permanenti bejn ir-rappreżentanti tar-reġjuni, il-KE, il-BEI u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-intrapriżi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali eżistenti, l-effett tal-implimentazzjoni, jew problemi emerġenti, sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-istrumenti ta' implimentazzjoni ffinanzjati mill-FSIE. Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi qafas istituzzjonali għal din il-kooperazzjoni minnufih;

11.

jinnota wkoll li din l-informazzjoni kollha għandha tkun trasparenti, iddettaljata kemm jista’ jkun u kkomunikata f’forma simplifikata, biex b’hekk il-partijiet potenzjalment interessati kollha, kemm jekk persuni naturali jew ġuridiċi, ikollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jagħmlu deċiżjoni ta’ investiment jew ta' żvilupp. Ir-riskji moħbija għaldaqstant jitnaqqsu, il-proċeduri amministrattivi jistgħu jiġu evalwati u ppjanati u b'mod ġenerali l-interess tal-investituri jiżdied;

12.

għandu jiġi żgurat li l-problemi ffaċċjati mill-awtoritajiet reġjonali u lokali li għażlu li jimplimentaw u jużaw strumenti rimborżabbli fil-perspettiva finanzjarja tal-2007-2013 ma jżommuhomx milli jagħżlu din il-forma ta' finanzjament fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Għandha tittieħed azzjoni wkoll biex jiġi żgurat li r-riskju tar-regolamentazzjoni insuffiċjenti tal-istrumenti finanzjarji għall-perspettiva finanzjarja 2007-2013 ma jkunx ta' piż għall-awtoritajiet amministrattivi, l-intermedjarji finanzjarji u, b'mod partikolari, il-konsumatur finali;

13.

fil-proċess li jwassal għal aġġustamenti potenzjali fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja 2007-2013, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 98 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta' Lulju 2006, għandhom jiġu kkunsidrati n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju li jġarrbu l-Fondi. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni biex tiżgura li din id-dispożizzjoni tiġi rispettata kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fl-Istati Membri individwali;

14.

il-KtR jinnota li l-punt 20 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta' investimenti ta' finanzjament ta' riskju (2) jistipula li “l-miżuri ta’ għajnuna għall-finanzjament ta' riskju jridu jkunu varati permezz ta' intermedjarji finanzjarji jew pjattaformi multilaterali għan-negozjar, għajr għall-inċentivi fiskali fuq investimenti diretti fl-impriżi eliġibbli. Għaldaqstant, miżura li biha Stat Membru jew entità pubblika jagħmlu investimenti diretti f’kumpaniji mingħajr l-involviment ta’ tali intermedjarji ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-finanzjament ta' riskju tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u ta' dawn il-Linji Gwida”. Konsegwentement, meta awtorità amministrattiva tagħmel ħlas ta' għajnuna dirett lil SME bħala parti minn pakkett finanzjarju, l-għajnuna inkwistjoni tkun tista' titqies biss għajnuna mill-Istat kompatibbli mat-Trattat jekk l-ammont ipprovdut ikun iżgħar mill-ammonti ddekretati fir-regolament de minimis jew jekk din l-għajnuna tingħata fil-kuntest ta' strument orizzontali ieħor (pereżempju SME, il-koeżjoni reġjonali, riċerka u żvilupp eċċ.). Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tiżgura li din l-iskema ma tirriżultax fit-twaqqif ta' proġetti appoġġati minn strumenti finanzjarji, u li l-linji gwida ma jkunux qed jiksru l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-Fondi Strutturali fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' strumenti finanzjarji;

15.

fil-livelli kollha ta' implimentazzjoni għandha titneħħa kull restrizzjoni regolatorja bla bżonn li żżid l-ispejjeż u tnaqqas id-domanda għall-istrumenti finanzjarji;

16.

f'każ ta' irregolaritajiet wara li jiġu eżawriti l-Fondi Strutturali taħt il-perspettiva finanzjarja 2007-2013, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-ispejjeż inkwistjoni mhux ser jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-irtirar gradwali ta' miżuri mingħand l-intermedjarju jew il-fond tal-fondi f'każ ta' sejba ta' irregolaritajiet għandu jsir biss f'sitwazzjoni li fiha ma jkunx possibbli li jitkompla l-użu effiċjenti tiegħu. Il-Kumitat jenfasizza, fost oħrajn, l-intenzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 78(6)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi li n-nefqa eliġibbli għandha tiġi ddeterminata fl-għeluq parzjali jew finali tal-programm operattiv. Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tiggarantixxi dan u, fejn hemm bżonn, li tagħmel il-bidliet regolatorji kollha meħtieġa f'dan ir-rigward;

17.

jeħtieġ li jiġi żgurat li, fil-proċess ta' likwidazzjoni tal-ispejjeż, il-benefiċjarji jippreżentaw dokumenti affidabbli. Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza, madankollu, li ħafna mill-użu tal-istrumenti finanzjarji ġie żviluppat abbażi tas-suq kummerċjali. Għalhekk, anke fil-proċess ta' likwidazzjoni għandhom jitqiesu n-natura tagħhom u l-istruttura ta' implimentazzjoni;

18.

l-evidenza ta' appoġġ meħtieġa għall-eliġibbiltà tan-nefqa għandha tkun rekwiżita sabiex jintlaħaq l-għan. Kull fejn possibbli, għandha titħalla tingħata evidenza li tkun tal-inqas piż għall-benefiċjarji u l-utenti finali, pereżempju għad-dikjarazzjonijiet. Din bl-ebda mod ma taffettwa l-ħtieġa li jitwettqu kontrolli li jkunu jistgħu jivverifikaw l-evidenza mressqa. Jeħtieġ li titfassal proposta dwar l-użu tar-reġistri pubbliċi tal-Istati Membri. Il-Kumitat jipproponi wkoll li, sa mill-fażi tal-ipprogrammar, din is-sistema ta’ testijiet u kontrolli titwaqqaf b’mod li ma jkollhiex effett negattiv fuq id-deċiżjoni tal-benefiċjarji jew tal-utenti aħħarin dwar fir-rigward tas-sejħa għal fondi;

19.

bħal fi kwalunkwe suq, anke l-istrumenti finanzjarji għandhom jiġu ddeterminati fuq il-bażi tal-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda. Il-fattur li jaffettwa l-provvista u d-domanda huwa l-prezz. Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza li, fil-każ tal-istrumenti finanzjarji pubbliċi għandhom jintużaw kemm jista' jkun il-mekkaniżmi naturali tas-suq;

20.

f'dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-ammont ta' infiq eliġibbli ffinanzjat mill-perspettiva finanzjarja tal-2007-2013 fil-każ tal-ġbir ta' tariffi u kummissjonijiet mill-SMEs minn intermedjarji jista' jservi ta' diżinċentiv għal ġestjoni tajba tar-riżorsi pubbliċi u jwassal biex ikun hemm aktar distorsjoni tal-mekkaniżmi naturali tas-suq. Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-Kummissjoni taħdem, flimkien mar-reġjuni, biex tidentifika ż-żoni ineffiċjenti u tħejji mingħajr dewmien miżuri ta' rimedju xierqa;

L-istrumenti finanzjarji bħala għodda għall-politika reġjonali

21.

għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni dwar l-użu tal-istrumenti finanzjarji għandha dejjem tkun ibbażata fuq analiżi fil-fond u l-massimizzazzjoni tal-utilità pubblika. Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza għalhekk li l-istrumenti finanzjarji għandhom isolvu diffikultajiet soċjali, ekonomiċi jew ambjentali speċifiċi u jkollhom l-għan li jippromovu tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli;

22.

id-deċiżjoni li jiġu introdotti l-istrumenti finanzjarji għandha dejjem tqis l-analiżi tal-impatt li dawn l-istrumenti jkollhom fuq il-forom l-oħra disponibbli għall-appoġġ, inkluża l-possibbiltà li jinkisbu sinerġiji billi jingħaqdu flimkien forom differenti ta' għajnuna u t-trikkib possibbli bejn l-istrumenti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw il-koerenza bejn l-istrumenti implimentati fil-livell tal-UE (pereżempju COSME u Orizzont 2020) u sorsi oħra ta' appoġġ, b'mod partikolari riżorsi mill-BEI, il-FSIE u dawk iffinanzjati bl-għajnuna ta' banek tal-iżvilupp nazzjonali/lokali u banek promozzjonali. Minħabba l-benefiċċji mis-sinerġiji, il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jiġi żgurat djalogu permanenti mal-imsieħba lokali u reġjonali f'dan il-qasam;

23.

huwa importanti li jiġi enfasizzat il-bżonn li jiġu introdotti soluzzjonijiet li jippermettu li diversi forom ta' ffinanzjar u finanzjament minn diversi sorsi jiġu kombinati b'mod iktar flessibbli. Fil-każ tal-FSIE għandu jkun permess it-trikkib tal-infiq eliġibbli biex isir taħlit ta' sussidji u strumenti finanzjarji. Dan huwa partikolarment importanti għal dawk l-entitajiet esklużi mis-settur bankarju. Il-Kumitat tar-Reġjuni għalhekk jappella lill-Kummissjoni Ewropea, biex flimkien mar-rappreżentanti tar-reġjuni, tfassal proposti għal bidliet regolatorji li jqisu l-interessi tal-entitajiet ekonomiċi li huma aktar dgħajfa;

24.

huwa essenzjali li jiġi evitat li jintużaw l-istrumenti għall-iżvilupp territorjali għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u għall-miżuri kontraċikliċi. Tali miżuri għandhom jiġu ffinanzjati minn sorsi oħra. Il-Kumitat tar-Reġjuni jistieden lill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex jiżguraw li r-riżorsi għall-iżvilupp jintużaw għal dan il-għan;

25.

il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment għandhom jiżguraw parteċipazzjoni xierqa tar-Reġjuni fl-użu tal-istrumenti finanzjarji taħt il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa. Jilqa' f'dan il-kuntest li l-premessa 56 tar-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) tistipula li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-istabbiliment u l-ġestjoni tal-portal Ewropew ta' proġetti ta' investiment;

26.

huwa tajjeb li l-istrumenti finanzjarji jattiraw il-kapital privat, u l-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li l-livell ta' lieva fi strumenti ffinanzjati li jużaw fondi Ewropej ser ikun ottimu u konsistenti mal-għan soċjali;

27.

il-KtR huwa favur is-simplifikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-UE u jenfasizza li l-istrumenti jridu jkunu sempliċi u faċli biex jintużaw b'ammont tajjeb ta' kontrolli u bilanċi;

28.

il-KtR jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi aħjar l-istrumenti finanzjarji fost utenti potenzjali sabiex jiżdied l-għarfien tal-valur miżjud speċifiku u l-aħjar użu tagħhom;

29.

għandu jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji jiġu distribwiti f'konformità mal-ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi, b'għarfien ċara tad-dimensjoni reġjonali u approċċ li jqis il-kondizzjonijiet varji li sikwit jipprevalu fil-muniċipalitajiet u żoni rurali, billi pereżempju jingħata appoġġ lill-proġetti fuq skala żgħira u l-aċċess tar-reġjuni ż-żgħar għall-opportunitajiet ta' finanzjament bħal dawn. Huwa importanti li tinġibed l-attenzjoni għall-effetti negattivi potenzjali li jistgħu jaffettwaw id-distribuzzjoni ideali tal-istrumenti finanzjarji;

30.

il-KtR jirrimarka li ħafna mill-awtoritajiet lokali u reġjonali jsibuha diffiċli li jaċċessaw Fondi tal-UE peress li mhumiex kapaċi jikkofinanzjawhom min-naħa tagħhom; jenfasizza li jridu jiġu żviluppati strumenti finanzjarji sabiex jingħataw l-għajnuna biex jegħlbu din il-problema;

31.

minħabba l-possibbiltajiet limitati ta' finanzjament estern, b'mod partikolari għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar fl-Unjoni Ewropea, huwa meħtieġ li jkun hemm aktar opportunitajiet flessibbli għall-finanzjament tal-kapital operattiv. Minħabba d-dewmien fil-ħlasijiet jew l-istaġjonalità tal-produzzjoni, il-kapital operattiv għandu jiġi ffinanzjat mingħajr restrizzjonijiet bla bżonn. Għal dan il-għan il-Kummissjoni, flimkien mar-rappreżentanti tar-reġjuni, għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura soluzzjonijiet bħal dawn;

32.

b'reazzjoni għall-kriżi ekonomika, il-finanzjament tal-kapital operattiv fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja 2007-2013, għandu jitqies bħala azzjoni li hija rilevanti mill-aspett l-interessi tal-ekonomija Ewropea;

L-effikaċja tal-istrumenti finanzjarji

33.

għandu jiġi enfasizzat li kooperazzjoni tajba bejn il-KE, il-BEI u l-awtoritajiet lokali u reġjonali hija element prinċipali għas-suċċess tal-użu tal-istrumenti finanzjarji fl-iżvilupp territorjali u fil-politika ta' koeżjoni;

34.

b'kunsiderazzjoni tal-esperjenza tal-kriżi, għandu jitfakkar li l-istrumenti finanzjarji pubbliċi ma jistgħux iwasslu għal żieda eċċessiva tar-riskju fis-sistema finanzjarja u b'mod partikolari fis-sistema bankarja;

35.

qabel ma tittieħed deċiżjoni biex jintużaw dawn l-istrumenti għandu jiġi eżaminat jekk il-finanzjament tal-investimenti, pereżempju strument tad-dejn, ma jimponix piż eċċessiv fuq il-konsumaturi minħabba l-ispiża tal-ħlas ta' dan id-dejn. Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm quddiemu li l-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tal-istrumenti finanzjarji finanzjati mir-riżorsi pubbliċi ma jistgħux jittieħdu jew jiġu ristretti minn intermedjarji finanzjarji (pereżempju l-istrument tal-garanzija għandu jirriżulta fi tnaqqis fl-ispiża għall-ġbir tal-kapital). Jeħtieġ ukoll li jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji ma jkunux sors ta' profitt mhux iġġustifikat għall-intermedjarji, pereżempju permezz tal-bankassigurazzjoni jew il-bejgħ inkroċjat. Il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali f'dan il-każ għandhom jiżguraw li jiġu adottati r-regolamenti xierqa;

36.

għandha tiġi intensifikata l-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-għarfien bejn il-KE u l-BEI u l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Djanjostika kondiviża bejn l-awtoritajiet u l-korpi responsabbli għall-istrumenti finanzjarji implimentati diġà hija neċessarja wkoll, sabiex tiġi ottimizzata l-effikaċità tagħhom. Il-Kumitat tar-Reġjuni jirrikonoxxi l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment f'dan ir-rigward, iżda jixtieq jenfasizza li fid-dawl tan-natura kruċjali tal-perjodu inizjali ta' implimentazzjoni, jeħtieġ li tiġi avvanzata l-ħidma għall-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri bħal pereżempju tal-pjattaforma FI-COMPASS;

37.

sabiex jiġi promoss l-użu tal-istrumenti finanzjarji – u mhux biss fl-implimentazzjoni tal-FSIE – il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment għandhom jiżguraw li r-reġjuni jingħataw l-appoġġ sostantiv li jistħoqqilhom. Dan l-appoġġ għandu jippermetti għal approċċ ta' każ b'każ għal kull reġjun, iżda wkoll jeħtieġ li jkun hemm gwida komprensiva xierqa dwar kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu japplikaw għal strumenti finanzjarji, linji ta' kreditu tal-BEI u self tal-FEIS, sabiex jiġi żgurat li huma jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati li fuqhom l-istrument finanzjarju jkun aktar rilevanti għalihom f'termini tad-daqs, it-tip ta' investiment u l-livell ta' riskju;

38.

il-KtR jinnota li l-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu aċċessibbli għall-utenti possibbli fuq termini aktar vantaġġjużi meta mqabbla ma' self kummerċjali standard;

39.

filwaqt li jirrikonoxxi l-isforzi li diġà saru, il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Bank Ewropew tal-Investiment għall-implimentazzjoni rapida tal-programmi tas-sensibilizzazzjoni, inklużi korsijiet u taħriġ (f'livelli differenti u f'lingwi reġjonali), għall-amministrazzjoni responsabbli tal-ipprogrammar, l-implimentazzjoni u l-kontabbiltà tal-istrumenti finanzjarji, iżda wkoll għall-entitajiet finanzjarji reġjonali, b'mod partikolari organizzazzjonijiet bla skop ta' qligħ, li għandhom aċċess limitat għal dan l-għarfien. Bl-istess mod peress li xi reġjuni u gruppi ta' muniċipalitajiet użaw b'suċċess strumenti ta' self ffinanzjati mill-UE fil-passat, għandu jkun hemm appoġġ għal trasferibbiltà tal-mudelli tagħhom u tat-tagħlimiet meħuda lejn pajjiżi u reġjuni oħra. Il-Kumitat jenfasizza li għal dan l-għan jeħtieġ li jintuża t-tagħlim elettroniku;

40.

l-iffinanzjar ta' korpi li jimplimentaw l-istrumenti finanzjarji għandhom jinkoraġġixxu l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi assenjati;

41.

l-analiżi tal-ħtieġa ta' standardizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji (fil-livell tar-reġjuni, l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea) għandha tqis l-ewwel nett l-effiċjenza fir-rigward tal-għanijiet segwiti u d-diversità tar-reġjuni. L-istandardizzazzjoni m'għandhiex tkun ibbażata biss fuq ix-xewqa li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ġestjoni mġarrba mill-intermedjarji;

42.

filwaqt li t-tul tal-proċess ta' programmazzjoni tal-istrumenti jista' jkun itwal milli fil-każ tal-għotjiet, il-ħeffa tad-distribuzzjoni tal-istrumenti finanzjarji (self u garanziji) għandha tibqa' fil-bidu tal-perspettiva finanzjarja tagħhom minħabba l-vantaġġi sostanzjali meta mqabbla mal-għotjiet. Biex jinkisbu l-effiċjenza u l-effettività permezz tal-użu tal-istrumenti finanzjarji, mingħajr preġudizzju għar-rigurożità u l-kwalità tal-analiżi ex-ante meħtieġa għall-proċess tal-ippjanar, huwa importanti li l-ħin meħtieġ għall-proċessi amministrattivi jkun il-minimu indispensabbli;

43.

dawk responsabbli għandhom iqisu l-possibbiltà ta' konsegwenzi mhux mixtieqa fl-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, speċjalment l-effett tal-esklużjoni tal-kapital privat mis-suq bħala riżultat ta' intervent pubbliku. Għalhekk jeħtieġ li jiġu adottati miżuri adatti biex jiġu evitati dawn il-fenomeni. Hemm il-ħtieġa ta' kooperazzjoni xierqa f'dan il-qasam bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ewropew għall-Investiment u r-reġjuni inklużi l-gwida uffiċjali komprensiva tal-istrumenti finanzjarji differenti li huma disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

44.

għandu jiġi enfasizzat li l-użu ta' strumenti finanzjarji, b'mod partikolari fil-każ ta' entitajiet li m'għandhomx aċċess għas-sistema bankarja, fl-aħħar mill-aħħar għandu jwassal biex fil-perjodu fit-tul dawn jirkupraw dan l-aċċess bankarju u jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati fit-tul mis-suq kummerċjali;

Is-sistema istituzzjonali

45.

l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji bl-użu tal-FSIE m'għandhiex tiffoka fuq id-dikjarazzjoni ta' appoġġ, iżda fuq il-ksib tal-effetti pożittivi fit-tul għall-ekonomija Ewropea;

46.

l-istrumenti finanzjarji għandhom jiġu implimentati kemm minn istituzzjoni finanzjarja (b'mod partikolari fil-każ ta' prodotti kumplessi u kbar) kif ukoll minn intermedjarji iżgħar (fil-każ ta' prodotti aktar sempliċi) li joffru prodotti fil-qasam tal-mikrofinanzjament;

47.

billi jeħtieġ li tiġi żgurata struttura effettiva ta' finanzjament intern wara l-intervent pubbliku, il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mar-rappreżentanti tar-reġjuni għandha tiżviluppa soluzzjonijiet adegwati sabiex tiżgura li, bħala riżultat ta' dawn l-interventi fil-perjodu 2014-2020, jissaħħu l-istituzzjonijiet ta' appoġġ għan-negozju;

48.

il-KtR jenfasizza li l-kontrolli mwettqa fuq livelli varji jeħtieġ li jiġu kkoordinati aħjar sabiex jitneħħew piżijiet bla bżonn għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; barra minn hekk, jeħtieġ li l-gvernijiet tal-Istati Membri differenti jikkollaboraw mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

49.

safejn dan ma jfixkilx objettivi oħrajn, l-istrumenti finanzjarji għandhom jintużaw ukoll għall-iżvilupp ta' prodotti finanzjarji, eż. għandhom jintużaw għall-promozzjoni tas-sħubijiet pubbliċi-privati jew tal-kumpaniji ta' servizz ta' enerġija (ESCOs). Għal dan l-għan, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment għandhom jiżguraw li r-reġjuni jkollhom il-possibbiltà li jagħtu appoġġ;

50.

għandu jitfakkar li t-tibdil fir-regolamenti, il-piż addizzjonali jew ir-riskju fid-distribuzzjoni tal-istrumenti m'għandhomx iwasslu biex jiddgħajfu l-intermedjarji finanzjarji billi jew jinġiebu f'diffikultajiet finanzjarji jew titnaqqsilhom il-kredibbiltà fis-suq;

51.

għandhom jiġu appoġġati l-isforzi għall-internazzjonalizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji (miżuri istituzzjonali, il-fluss tal-kapital privat, eċċ.). B'dan il-mod tiżdied l-effettività u l-effiċjenza ta' dawn l-istrumenti u b'hekk jikkontribwixxu biex tiżdied il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea.

Brussell, l-14 ta' Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  http://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR15_05/SR15_05_MT.pdf

(2)  ĠU C 19, 22.1.2014.


17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/41


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Aġenda tal-UE dwar Regolamentazzjoni Aħjar

(2015/C 423/08)

Relatur Ġenerali:

Is-Sur Spyridon (EL/PPE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Poros

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE

COM(2015) 215 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jqis li huwa importanti li l-Kummissjoni tagħmel ir-regolamentazzjoni aħjar prijorità ta’ politika sabiex jinkisbu riżultati aħjar għaċ-ċittadini. Metodi innovattivi ta’ konsultazzjoni bejn l-istituzzjonijiet jistgħu jgħinu biex jinbena korp ta’ leġiżlazzjoni ċara u effettiva tal-UE li tirrispetta l-prinċipji fundamentali tal-UE;

2.

jemmen li regolamentazzjoni tajba, jiġifieri atti ta’ leġiżlazzjoni sempliċi ta’ kwalità li jkunu ċari, inkorporati b’mod korrett fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u riveduti jekk ikun hemm bżonn, tikkontribwixxi għall-approfondiment tas-suq uniku, tnaqqas il-burokrazija u toħloq valur miżjud għaċ-ċittadini u n-negozji;

3.

huwa konvint li l-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej iħarsu lejn l-UE bħala l-istituzzjoni li tikkonsolida u tħares id-dritt għall-kwalità tal-ħajja, is-sigurtà ambjentali, u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

4.

jaqbel mal-intensifikazzjoni fil-ħidma tal-Kummisjoni favur il-kwalità tar-regolamentazzjoni, billi tibbaża fuq il-programm ta’ kontroll tal-adegwatezza u tal-effiċjenza tar-regolamentazzjoni bit-tir li titnaqqas il-burokrazija u jiġu eliminati l-piżijiet regolatorji, biex b’hekk tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ kuntest favorevoli għall-investimenti; jaqbel mas-semplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għall-operaturi privati, iżda jassigura l-bżonn li jirrikonċilja l-aspett ta’ semplifikazzjoni maż-żamma tal-kwalità tal-ambjent u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi tal-persuni, il-ħaddiema, il-konsumaturi u l-utenti. Jisħaq li t-tfassil tajjeb tal-liġijiet u t-tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi bla bżonn m’għandhomx jintużaw bħala skuża għad-deregolamentazzjoni jew in-nuqqas ta’ regolamentazzjoni f’setturi fejn iċ-ċittadini għandhom aspettattivi leġittimi, kif imsemmi hawn fuq, jew biex tiġi evitata azzjoni f’oqsma fejn it-Trattati tal-UE joħolqu “obbligi għall-azzjoni” ċari għall-istituzzjonijiet tal-UE;

5.

itenni li regolamentazzjoni aħjar għandha titwettaq fl-ispirtu tal-governanza f’diversi livelli permezz ta’ azzjoni koordinata fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali;

6.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-mod li leġiżlazzjoni aħjar avvanzat politikament, billi l-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni sar responsabbli mill-proċedura, u jantiċipa titjib fil-kwalità bil-produzzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej biex jintlaħaq l-għan ambizzjuż li stabbilixxejna b’rispett tal-prinċipji fundamentali u l-istandards għolja ta’ politika tal-UE;

7.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni kienet minn ta’ quddiem fl-isforzi biex timplimenta l-prinċipji ta’ leġiżlazzjoni tajba matul iċ-ċiklu leġiżlattiv kollu, inkluż parti kbira ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, permezz ta’ metodi u proċeduri innovattivi li llum huma rikonoxxuti internazzjonalment, u tagħti eżempju ta’ prassi tajba għall-Istati Membri;

8.

jesprimi x-xewqa li jkun hemm aktar involviment mill-awtoritajiet reġjonali u lokali permezz ta’ konsultazzjoni dedikata fi ħdan il-KtR, fil-fażi tal-inizjattiva leġiżlattiva, b’mod li jitqiesu d-dimensjonijiet territorjali biex tiġi indirizzata b’mod konkret il-kriżi ekonomika, u b’hekk ikunu jistgħu jiġu stabbiliti għanijiet sottonazzjonali skont is-sitwazzjonijiet territorjali differenti; jittama li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkunu involuti fid-definizzjoni tal-istess objettivi fi ħdan il-KtR peress li huma stess għandhom ir-rwol li jimplimentaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni Ewropea, filwaqt li jipproteġu l-ispeċifiċitajiet lokali, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

Konsultazzjonijiet mifruxa

9.

jilqa’ li l-konsultazzjonijiet infirxu biex iħaddnu l-partijiet interessati, l-awtoritajiet lokali u ċ-ċittadini fl-istadji leġiżlattivi preliminari u fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni; il-parteċipazzjoni tagħhom mill-istadji bikrija tal-iżvilupp tal-inizjattivi regolatorji tista’ twassal għal aċċettazzjoni ikbar tar-regolamenti finali u tista’ tħaffef it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

10.

jittama li l-Kummissjoni tiddistingwi bejn l-istituzzjonijiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw it-territorji (il-partijiet interessati istituzzjonali) u l-partijiet interessati privati, peress li huwa biss l-ewwel grupp li huwa elett demokratikament, u jikkostitwixxi s-sinteżi demokratiku tal-bżonnijiet reali taċ-ċittadini, inklużi dawk li ma jistgħux isemmgħu leħinhom individwalment. Huwa għalhekk xieraq li jissaħħaħ id-djalogu strutturat tal-Kummissjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, biex tiġi żgurata n-natura demokratika tal-proċess parteċipattiv fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni Ewropea, bil-konvinzjoni li l-awtoritajiet territorjali, bħala portaturi tal-interessi tal-kategoriji soċjoekonomiċi kollha, għandhom jirċievu mill-istituzzjonijiet tal-UE attenzjoni prijoritarja, anki fil-konsultazzjonijiet, meta mqabbla mal-korporazzjonijiet kbar;

11.

ifaħħar b’mod partikolari l-pjattaforma l-ġdida “Ħaffef it-tagħbija – semma leħnek” u l-impenn tal-Kummissjoni biex tespandi l-funzjonijiet u s-servizzi tagħha. Il-Kumitat jinnota li minkejja li konsultazzjonijiet onlajn miftuħa jistgħu jaħdmu favur il-gruppi organizzati u l-parteċipanti b’ħiliet tal-kompjuter avvanzati, spiss ikollhom l-effett li jillimitaw in-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proposta, u, għaldaqstant il-metodi tradizzjonali ta’ komunikazzjoni mal-Kummissjoni, barra mill-pjattaforma, m’għandhomx jiġu esklużi;

12.

jipproponi li jsir użu effettiv minn strumenti oħra għall-konsultazzjonijiet immirati (konferenzi, gruppi ta’ esperti, sessjonijiet ta’ ħidma u laqgħat mal-partijiet interessati), peress li dawn ukoll jiżguraw il-parteċipazzjoni diretta tal-partijiet involuti, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex testendi l-format u l-użu tagħhom (billi tintroduċi gruppi ta’ utenti u gruppi fokus u bordijiet bi prova, eċċ.);

13.

jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li s-seduti pubbliċi ma jistgħux jissostitwixxu iżda jistgħu biss jissupplimentaw il-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali stabbilita mill-Artikolu 154(2) tat-TFUE;

14.

peress li l-proċess ta’ konsultazzjoni huwa direttament dipendenti fuq ir-rappreżentattività tal-parteċipanti u l-kwalità tal-kontribut tagħhom, fil-prattika, il-konsultazzjonijiet għandhom isiru b’tali mod li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati li huma involuti direttament, kif ukoll id-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar id-deċiżjoni li għandha tittieħed, b’mod partikolari fil-każ ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi tekniċi ħafna b’għarfien intensiv;

15.

jinnota l-ħtieġa għal traduzzjoni talinqas tad-dokumenti bażiċi f’kull stadju ta’ konsultazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, peress li b’hekk tiġi faċilitata l-parteċipazzjoni ta’ aktar partijiet interessati u ċittadini fil-proċess;

16.

jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi aktar trasparenza fir-rigward tal-użu ta’ gruppi ta’ esperti, meta jinħolqu u f’liema oqsma ta’ politika, min ser ikun rappreżentat, u b’mod partikolari l-proċedura tal-għażla applikata mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-twaqqif tal-gruppi ta’ esperti;

17.

jirrimarka li, kif ġie nnutat ukoll f’opinjoni reċenti tal-KtR dwar ir-REFIT (CIVEX-V-040), hemm lok għal titjib fil-proċess ta’ konsultazzjoni rigward il-proċess ta’ konsultazzjoni, inkluż il-provvista ta’ feedback iktar xieraq, viżibbiltà aħjar tal-proċess u l-ħtieġa li jiġu ddedikati sforzi akbar għall-kwantifikazzjoni tar-riżultati. Huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-KtR fil-proċedura l-ġdida;

18.

jenfasizza li l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-partijiet interessati jew iċ-ċittadini fil-konsultazzjonijiet permezz tar-rappreżentanti istituzzjonali tagħhom, bħall-KtR u l-KESE, li għandhom ikunu distinti minn partijiet interessati oħra, ser jikkontribwixxi għall-għan ta’ regolamentazzjoni aħjar, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-iskedi taż-żmien spiss ikunu limitati u huwa aktar faċli li tinkiseb risposta mill-korpi msemmija hawn fuq, li għandhom netwerks estensivi. Il-parteċipazzjoni attiva u sinifikanti tagħhom fil-proċess tat-tfassil tajjeb tal-liġijiet hija prerekwiżit għal riżultati ta’ kwalità għolja;

19.

jinnota li, sabiex jinkiseb l-objettiv tas-sħubija u leġiżlazzjoni aħjar u aktar effettiva għandhom jitfasslu għadd ta’ linji gwida operattivi li għandhom jiġu applikati fil-valutazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fit-tħejjiija ta’ leġiżlazzjoni ġdida;

Il-valutazzjonijiet tal-impatt matul iċ-ċiklu leġiżlattiv kollu

20.

jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni għal skrutinju estensiv fil-forma ta’ valutazzjonijiet tal-impatt matul iċ-ċiklu leġiżlattiv kollu;

21.

jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tippubblika kull valutazzjoni tal-impatt ex ante, anki għall-inizjattivi li ma jiġux tradotti fi proposti leġiżlattivi, fl-interess tat-trasparenza u t-tisħiħ tar-responsabbiltà; il-pubblikazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu fil-bidu taċ-ċiklu tal-politika hija meqjusa bħala pass tal-bidu tajjeb għall-provvista ta’ feedback u biex jiġi mressaq tħassib dwar is-sussidjarjetà;

22.

iqis li l-valutazzjonijiet tal-impatt b’diversi aspetti huma siewja peress li ma jkunux limitati biss għad-dimensjoni ekonomika, iżda daqstant ieħor ikopru l-protezzjoni tal-ambjent u n-natura, il-konsumatur, is-saħħa u l-impjieg, il-protezzjoni tas-saħħa u l-liġi tax-xogħol. Dawn jinkludu wkoll kemm il-possibbiltà tan-nuqqas ta’ regolamentazzjoni kif ukoll, fil-każ tat-tfassil tal-liġijiet, li jesploraw l-implikazzjonijiet f’termini tas-salvagwardja tal-prinċipji fundamentali tal-UE u l-impatt tagħhom fuq il-koeżjoni soċjali u territorjali;

23.

b’mod partikolari, għal kull biċċa leġiżlazzjoni ġdida jew sekondarja, huwa jinsisti fuq il-ħtieġa li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt territorjali. Il-KtR, bl-għarfien tiegħu, ser jikkontribwixxi b’mod attiv għal dan inkluż permezz tal-pjattaformi u n-netwerks tiegħu li jipprovdu punt ta’ aċċess tajjeb lill-awtoritajiet reġjonali u lokali. B’segwitu tal-impenn tal-Kummissjoni biex “l-għan li l-UE tibqa’ kompetittiva u li l-iżvilupp tal-UE jibqa’ sostenibbli” (1), huwa jappella wkoll għal analiżi tal-impatt fuq il-kompetittività u s-sostenibbiltà;

24.

filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza tal-SMEs bħala xprun għat-tkabbir fl-UE, jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ attenzjoni fil-valutazzjoni tal-effetti tal-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma meħtieġa jimplimentaw il-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

25.

huwa tal-fehma li l-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni għandha tkun konformi mal-acquis tal-UE dwar is-salvagwardja tal-prinċipji tal-UE. Għalhekk jitlob li tingħata attenzjoni waqt l-implimentazzjoni tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) sabiex tkun konformi mal-obbligu li jinżammu l-istandards għoljin tal-UE fil-kwistjonijiet soċjali u ambjentali u biex jintlaħaq l-objettiv tal-approfondiment tas-suq uniku. Huwa jenfasizza li l-objettiv tal-programm REFIT mhuwiex id-deregolamentazzjoni iżda regolamentazzjoni mtejba u aktar effettiva permezz tat-tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi bla bżonn, interkonnessjoni aħjar bejn il-mezzi u l-objettivi, u l-parteċipazzjoni kull fejn ikun possibbli tal-partijiet interessati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

26.

jinsisti li bit-twettiq tal-valutazzjoni tal-impatt għandu jkun hemm inqas dipendenza fl-għoti ta’ kuntratti lil konsulenti esterni, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ta’ tħassib lokali u reġjonali dirett. Minflok, il-KtR u l-korpi rappreżentattivi tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali huma f’pożizzjoni aħjar biex jipprovdu evidenza ta’ xi tkun is-sitwazzjoni fil-post;

27.

b’mod partikolari fil-każ tal-SMEs, jenfasizza li l-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali għandhom jiksbu bilanċ għaqli bejn il-benefiċċju għar-riċevituri u l-ħarsien tal-interess komuni Ewropew u m’għandhomx jirriskjaw li jiġu ostakolati l-istandards għoljin tal-protezzjoni (tal-ħaddiema jew tal-ambjent);

28.

jistieden l-iżvilupp ta’ forma aktar strutturata ta’ konsultazzjoni għar-rappreżentanti lokali u reġjonali fl-istadju pre-leġiżlattiv, filwaqt li forsi jiġi ispirat mill-metodoloġija eżistenti tad-Djalogu Soċjali Ewropew li jinvolvi l-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet soċjali fil-preparazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tikkonċerna lilhom direttament;

29.

jilqa’ b’sodisfazzjon it-tħabbira tal-Kummissjoni li beħsiebha tikkunsidra s-simplifikazzjoni tar-regolamenti dwar il-Politika Agrikola Komuni u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, u jtenni l-proposta tiegħu għal kontroll tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni fl-oqsma rilevanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, inklużi l-politika urbana, il-leġiżlazzjoni ambjentali, is-settur tat-trasport, u għal azzjoni biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi bħall-proċeduri tal-ħruġ tal-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet;

30.

jinnota li l-programm REFIT jista’ jikkontribwixxi wkoll għat-titjib tal-proporzjon kostijiet-benefiċċji għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll għan-negozji, billi jillibera r-riżorsi umani u finanzjarji u jippromovi l-kompetittività tal-UE;

Ir-rwol tal-KtR

31.

iqis li, minħabba n-natura permanenti tagħha u l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju l-ġdid, permezz tal-mandat estiż tiegħu jindirizza parzjalment it-tħassib tal-KtR rigward l-effettività tagħha u, jinsisti li filwaqt li jirrispetta l-indipendenza tal-Kummissjoni li tirrappreżenta l-interess ġenerali, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju jista’ idealment ikun magħmul minn esperti esterni indipendenti, kif huwa l-każ ta’ korpi simili f’xi Stati Membri;

32.

jenfasizza li mill-inqas wieħed mill-esperti tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju għandu jkollu esperjenza fil-governanza u l-amministrazzjoni lokali/reġjonali;

33.

jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi rappreżentant tal-KtR fil-pjattaforma REFIT l-ġdida, bħala rispons għal talba preċedenti mill-KtR. Madankollu, itenni li r-rwol istituzzjonali tal-Kumitat m’għandux jiġi konfuż mar-rwol ta’ partijiet oħra interessati involuti fil-Pjattaforma;

34.

ifakkar li t-Trattati jirrikonoxxu d-dimensjonijiet lokali u reġjonali tal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif ukoll ir-rwol tal-KtR, u jappella għall-inklużjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Regolamentazzjoni Aħjar. Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-livell ta’ konsultazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-politiki tal-UE u dwar il-ħtieġa ta’ informazzjoni fil-ħin u komprensiva biex jesprimi ruħu. Uħud mill-membri tal-Parlament Ewropew talbu għal parteċipazzjoni iktar attiva tal-KtR u l-esperjenza u l-għarfien tiegħu fl-istadji bikrija tat-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi;

35.

jilqa’ l-fatt li l-Pjattaforma tar-REFIT qed tiġi ffurmata permezz ta’ proċess ta’ sejħa miftuħa. Madankollu l-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li din is-sejħa miftuħa titwessa’ sabiex tippermetti speċifikament lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali japplikaw direttament u jiġu rappreżentati fiha;

36.

jistieden lid-direttorati ġenerali lill-Kummissjoni u lill-koleġiżlaturi biex jirrikonoxxu r-rwol tal-KtR u tal-membri tiegħu bħala msieħeb istituzzjonali u biex jikkonsultaw kemm lill-KtR kif ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali aktar mill-qrib meta jkunu qed ifasslu l-valutazzjonijiet tal-impatt;

It-tfassil tajjeb tal-liġijiet jeħtieġ il-parteċipazzjoni attiva tal-livelli kollha ta’ gvern

37.

jinnota li l-Istati Membri mhux qed japplikaw il-proċeduri għal regolamentazzjoni aħjar b’mod uniformi. Dan ifisser li ma tistax issir distinzjoni ċara bejn l-effetti tal-leġiżlazzjoni tal-UE minħabba l-mod li bih tiġi implimentata, u l-effetti li jinbtu direttament mill-leġiżlazzjoni stess tal-UE, u b’hekk huwa diffiċli li jiġi ssorveljat b’mod komprensiv iċ-ċiklu tal-ħajja tal-atti leġiżlattivi;

38.

jistieden lill-Istati Membri jilqgħu t-talbiet tal-Kummissjoni għal implimentazzjoni aħjar tal-proċeduri tar-regolamentazzjoni tajba, kemm fil-Kunsill kif ukoll fl-amministrazzjonijiet nazzjonali;

39.

jitlob lill-Istati Membri kkonċernati biex fil-livell nazzjonali jipprovdu proċess ta’ konsultazzjoni tal-UE li jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż permezz tal-organizzazzjonijiet nazzjonali tagħhom, b’mod li jkun f’waqtu u fl-istadji kollha. Dawn l-awtoritajiet għandhom għarfien tekniku, għarfien espert u esperjenza konsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni;

40.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-kawżi li jwasslu għal applikazzjoni tard jew ħażina tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Istati Membri u biex tfittex soluzzjonijiet għal din il-problema importanti, inkluż billi tagħti r-raġunijiet għall-għażla bejn direttivi u regolamenti, u biex iżżid l-isforzi tagħha billi ssaħħaħ l-appoġġ, il-kontroll u l-mekkaniżmi ta’ infurzar;

41.

jenfasizza li t-traspożizzjoni ta’ direttivi fil-liġi nazzjonali hija proċess nazzjonali fejn kemm l-arranġamenti amministrattivi nazzjonali kif ukoll dawk reġjonali u lokali għandhom jiġu adattati. Dan jeħtieġ kemm żmien suffiċjenti kif ukoll spazju għall-immanuvrar. Il-KtR jemmen li l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippubblika l-pjani ta’ implimentazzjoni għal-leġiżlazzjoni u l-linji gwida, minbarra l-kontrolli – mhux biss għat-traspożizzjoni formali iżda anke dik prattika tad-dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali – huma pass fid-direzzjoni t-tajba;

42.

jindika li l-leġiżlazzjoni li tkun sempliċi, tinftiehem u faċli biex ikun hemm konformità magħha, u li tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt dettaljata u pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni, twassal għal traspożizzjoni iktar malajr u effiċjenti fil-liġi nazzjonali u ssaħħaħ il-konformità;

43.

jirrikonoxxi d-dritt tal-pajjiżi li jiġu żgurati standards ogħla minn dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni attwali tal-UE. Madankollu dan m’għandux jiġi konfuż mal-prattika tal-hekk imsejħa regolamentazzjoni żejda fejn l-Istati Membri jżidu rekwiżiti legali jew amministrattivi addizzjonali meta jkunu qed jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-liġi nazzjonali. Huwa importanti li ċ-ċittadini kollha jifhmu b’mod ċar liema obbligi jirriżultaw mill-UE u li huma riżultat ta’ regolamentazzjoni żejda mill-Istati Membri u għaldaqstant, il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li l-Istati Membri jidentifikaw u jiġġustifikaw b’mod ċar kwalunkwe dispożizzjonijiet addizzjonali magħmula minnhom meta jkunu qed jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE;

44.

jinnota li “regolamentazzjoni żejda” ġiet definita f’varjetà ta’ modi, mill-istituzzjonijiet (pereżempju, il-KtR (2) u l-Kummissjoni Ewropea) u minn organizzazzjonijiet oħra. Il-Kumitat itenni l-proposta tiegħu li tiġi adottata definizzjoni komuni, sabiex tiġi żgurata ċarezza legali fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u biex tkun tista’ ssir valutazzjoni komparattiva bejn l-Istati Membri;

45.

jenfasizza l-ħtieġa għal traspożizzjoni f’waqtha, preċiża u effettiva tal-liġi tal-UE fil-liġi nazzjonali;

46.

jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu bl-impenn tal-Kummissjoni għal skrutinju tal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà fil-proposti leġiżlattivi u jtenni, f’dan ir-rigward, li r-rwol tal-KtR u l-parlamenti nazzjonali tnaqqax fil-liġi;

47.

jirrimarka li l-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali jadottaw għadd ta’ regoli u liġijiet ibbażati fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE. Għalhekk huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida tal-UE tiġi valutata biex tkun sempliċi kemm jista’ jkun u ċara mil-lat amministrattiv, sabiex fl-implimentazzjoni l-livelli individwali ta’ gvern ma jużawx riżorsi bla bżonn u jiġu evitati spejjeż mhux meħtieġa;

48.

jiddispjaċih li l-pakkett ta’ Regolamentazzjoni Aħjar ma jidhirx li qed itejjeb il-valutazzjoni tal-Prinċipju tas-Sussidjarjetà biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu fl-iktar livell baxx tal-gvern possibbli, f’konformità mat-toolkit tal-Valutazzjoni tas-Sussidjarjetà tal-Kumitat tar-Reġjuni;

Regolamentazzjoni ta’ kwalità tajba titlob kooperazzjoni istituzzjonali mtejba

49.

huwa konxju li għad hemm nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE f’ħafna Stati Membri. Għaldaqstant jenfasizza l-ħtieġa li jiġi inkluż gvern lokali u reġjonali, li huma l-livelli l-aktar qrib taċ-ċittadini, fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet, kif ukoll l-importanza tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u approċċ faċli għaċ-ċittadini u n-negozji, li għandhom jipprevalu fl-istituzzjonijiet tal-UE;

50.

jipproponi li – kull fejn jkun possibbli – id-direttorati ġenerali kollha tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw u jimplimentaw regoli armonizzati dwar il-valutazzjoni tal-impatt fl-istadji kollha tal-proċess leġiżlattiv, peress li dan jikkontribwixxi għal fehim reċiproku u kwalità aħjar;

51.

iħeġġeġ lill-koleġiżlaturi biex iwieġbu għall-appell tal-Kummissjoni għal adozzjoni rapida tal-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-impenji marbutin miegħu, biex il-proċeduri tar-regolamentazzjoni aħjar ikunu jistgħu jittejbu fl-istituzzjonijiet Ewropej kollha u biex l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi promossa fost iċ-ċittadini;

52.

jenfasizza li kooperazzjoni mill-qrib mal-KESE fis-Sottokumitat dwar regolamentazzjoni aħjar tkun ta’ benefiċċju minħabba li b’hekk tkun tista’ ssir koordinazzjoni aħjar tal-pożizzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

53.

jemmen li l-irtirar tal-proposti leġiżlattivi li jkunu ilhom ippjanati għal żmien twil jikkontribwixxi għal governanza Ewropea korretta, iżda dan għandu jsir b’attenzjoni biex jiġi evitat li jsir mezz ta’ pressjoni fuq il-koleġiżlaturi. Bla dubju l-koleġiżlaturi, peress li huma kompetenti, għandhom jingħataw tul ta’ żmien raġonevoli u l-possibbiltà ġenerali li jesprimu fehmiethom dwar il-proposti li għandhom jiġu rtirati;

54.

jaqbel mal-proposta tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni li tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta’ “klawżola ta’ estinzjoni” fl-inizjattivi leġiżlattivi ta’ tul ta’ żmien limitat, sakemm din ma toħloqx xi lakuni, u “klawżoli ta’ reviżjoni” – fi żmien raġonevoli wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri – sabiex il-miżuri eżistenti jkunu jistgħu jiġu evalwati. Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jintroduċu “klawżoli ta’ estinzjoni” anke meta jkunu qed jivvalutaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari fejn ikun ta’ ostaklu għat-traspożizzjoni rapida tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

55.

josserva li l-konsegwenzi tal-leġiżlazzjoni għandhom jiġu eżaminati mhux biss meta ssir il-proposta tal-Kummissjoni, iżda wkoll wara li jkunu ġew introdotti bidliet sinifikanti mill-koleġiżlaturi. Madankollu huwa josserva li m’għandux jinxteħet id-dubju fuq il-leġittimità demokratika tal-proċess leġiżlattiv u li dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt m’għandhomx iwasslu għal restrizzjoni tal-ispazju għall-immanuvrar disponibbli għall-koleġiżlaturi, u għaldaqstant ma jappoġġjax l-idea li jitwettqu aktar valutazzjonijiet tal-impatt fil-perjodu bejn il-konklużjoni tan-negozjati u l-votazzjoni finali;

56.

jinnota n-nuqqas ta’ kwalunkwe referenza għall-awtoregolamentazzjoni u l-koregolamentazzjoni bħala proċeduri aktar flessibbli għall-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat, f’dinja dejjem tinbidel u fejn il-leġiżlazzjoni ma tkunx qed tlaħħaq mal-ħtiġiet regolatorji;

57.

jenfasizza l-importanza li jiġu diversifikati l-konsultazzjonijiet u li jinħolqu netwerks stabbli ta’ konsultazzjoni u monitoraġġ għall-kwistjonijiet li jeħtieġu għarfien speċjalizzat, u li jsir użu effettiv ukoll tal-parteċipanti fil-konsultazzjonijiet wara li tkun ġiet adottata l-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontroll u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni;

58.

iqis pożittiv il-fatt li l-Kummissjoni tixtieq tistabbilixxi kriterji aktar ċari dwar meta ser jintużaw atti delegati jew atti ta’ implimentazzjoni. Huwa wkoll pożittiv li l-Kummissjoni ser ikollha l-għażla li tikkonsulta lill-partijiet interessati qabel ma tippreżenta proposti għal atti delegati; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika din il-prattika – mhux biss meta tqis li tikkostitwixxi valur miżjud;

Il-kwalità tal-leġiżlazzjoni ser tiddependi fuq l-impenn fil-prattika tal-partijiet interessati kollha biex jimplimentaw l-aġenda

59.

jinsab fiduċjuż li l-Kummissjoni ser tagħmel kull sforz biex timplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni, minkejja ż-żieda fil-piż amministrattiv u l-impenn ta’ riżorsi umani li jistgħu jkunu meħtieġa;

60.

jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li jiġi evitat li jinħoloq aktar dewmien fil-ħruġ ta’ leġiżlazzjoni b’riżultat ta’ proċeduri ġodda ta’ regolamentazzjoni tajba;

61.

jenfasizza l-obbligu li l-opinjoni pubblika tiġi informata fl-Istati Membri u li l-proċess ta’ konsultazzjoni jiġi promoss billi jiġi mobilizzat il-gvern lokali jew reġjonali, sabiex titqajjem kuxjenza akbar u tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati, u fl-istess ħin biex jissaħħaħ il-proċess demokratiku tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

62.

jimpenja ruħu li jinforma l-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-proċedura l-ġdida għal regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar u li jikkontribwixxi għal implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE, dak nazzjonali u dak reġjonali.

Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  COM(2015) 215 final, punt 3.1.

(2)  CIVEX-V-040, 30 ta’ Mejju 2013.


17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/48


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Abbozz ta’ Baġit tal-UE għall-2016

(2015/C 423/09)

Relatur:

Is-Sur Uno Silberg (EE/AE), Membru tal-Kunsill Muniċipali Rurali ta’ Kose

Dokument ta’ referenza:

ABBOZZ Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 – Introduzzjoni Ġenerali – Dikjarazzjoni ġenerali tad-dħul – Dikjarazzjoni ġenerali tad-dħul u n-nefqa skont it-taqsima —

COM(2015) 300 final

I.   KUMMENTI ĠENERALI

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

ifakkar li din hija diġà t-tielet opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar il-proċedura tal-baġit annwali tal-UE; il-punt ewlieni li se jiġi diskuss huwa t-Taqsima III tal-abbozz ta’ baġit tal-UE minbarra l-infiq amministrattiv taħt l-Intestatura V;

2.

jenfasizza mill-ġdid li l-proċess tat-tħejjija tal-baġit annwali tal-UE – b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità – għandu impatt kemm dirett kif ukoll indirett fuq il-baġits tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Huwa importanti bħala għajnuna biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti assenjati u biex jadattaw għall-isfidi l-ġodda fil-prattika;

3.

jenfasizza r-rwol kruċjali tal-baġit tal-UE għall-mobilizzazzjoni tal-investiment, peress li l-effett ta’ lieva tiegħu li jikkomplementa l-finanzjament pubbliku u privat fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali jikkontribwixxi għall-kompetittività u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE;

4.

jinnota li fi żminijiet ta’ ambjent ekonomiku diffiċli u riżorsi finanzjarji skarsi, għandu jkun hemm enfasi fuq l-infiq u l-prestazzjoni aħjar tal-baġit tal-UE aktar milli fuq l-assorbiment u l-konformità; jilqa’ l-isforzi tal-KE biex tiffoka fuq ir-riżultati konkreti miksuba bl-ogħla valur miżjud tal-UE bbażati fuq l-ingranaġġ aħjar tal-fondi tal-UE u aktar sforzi ta’ simplifikazzjoni;

5.

jilqa’ l-abbozz ta’ baġit (AB) tal-2016 u l-prijoritajiet tiegħu, li huma kemm f’konformità mal-programm tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida biex tingħata spinta lill-ekonomija b’investiment fl-impjiegi, it-tkabbir u l-għarfien u li jiffaċilitaw ir-rispons għall-iżviluppi riċenti bħalma hi l-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni instabbli fir-reġjuni ġirien tal-UE;

6.

jikkritika li d-dewmien konsiderevoli fil-bidu ta’ programmi ġodda taħt il-perjodu QFP 2014-2020 minħabba l-approvazzjoni tardiva tal-Programmi Operattivi se jkollu implikazzjonijiet negattivi fuq it-territorju tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; iħeġġeġ lil-livell istituzzjonali Ewropew u nazzjonali biex jieħdu kull miżura neċessarja, flimkien mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, sabiex jagħmlu tajjeb għad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-finanzjament ġdid tal-UE;

7.

josserva li l-abbozz ta’ baġit tal-UE għall-2016 jipprovdi EUR 153,5 biljun għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn (5,3 % inqas mill-2015) u EUR 143,5 biljun għall-approprjazzjonijiet ta’ pagamenti (1,6 % iktar mill-baġit għall-2015);

8.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, filwaqt li l-impenji qegħdin jonqsu, il-livell ta’ pagamenti jibqa’ pjuttost stabbli f’termini reali meta mqabbel mal-2015 u jinkludi approprjazzjonijiet biex gradwalment jitnaqqsu t-talbiet pendenti mill-aħħar perjodu baġitarju, li laħaq EUR 24,7 biljun fi tmiem l-2014;

9.

jilqa’ l-ħolqien ta’ pjan ta’ pagament speċjali bħala riżultat ta’ ftehim, madankollu jinsab imħasseb li n-nuqqasijiet ta’ ħlas se jħallu effett ta’ ħsara fuq il-benefiċjarji, b’mod partikolari fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li bħalissa qed jiffaċċjaw bosta sfidi ekonomiċi u soċjali; jinnota wkoll li d-differenza ta’ EUR 10 biljun bejn l-impenji u l-pagamenti mhijiex se tindirizza l-problema strutturali tat-talbiet pendenti mistennija għall-aħħar tal-perjodu ta’ programmar u jilmenta dwar l-involviment limitat tal-KtR fil-proċess analitiku;

10.

jistaqsi jekk ir-rati ta’ imgħax għandhomx jiġu applikati għad-dewmien fil-pagamenti tal-Kummissjoni lil maniġers tal-proġett;

11.

jenfasizza r-rieda immedjata tal-KtR li jikkontribwixxi għad-dibattitu dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE: bidla sħiħa tas-sistema hija inevitabbli, billi n-nuqqasijiet attwali tagħha qed joħolqu staġnar fin-negozjati baġitarji u huma fil-qalba tal-kwistjoni ta’ pagamenti pendenti; L-unika soluzzjoni kredibbli tkun li jiġi introdott mekkaniżmu ta’ riżorsi proprji xierqa għall-UE;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Proċedura baġitarja

12.

jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu impatt dirett fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, peress li huma benefiċjarji u, fl-istess ħin, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni ta’ xi programmi;

13.

jenfasizza li l-baġit tal-UE kiseb importanza saħansitra akbar minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-awsterità baġitarja, peress li jappoġġja wkoll l-implimentazzjoni ta’ programmi u ta’ proġetti ta’ investiment pubbliku u privat li jkunu diffiċli jew impossibbli li jiġu ffinanzjati matul kriżijiet bħal dawn u li jgħinu wkoll fil-ġestjoni tagħhom;

14.

jappella biex il-KtR jattendi l-laqgħat interistituzzjonali dwar is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti ta’ eżekuzzjoni tal-baġit tul is-sena finanzjarja attwali u tul is-snin finanzjarji futuri, li għandhom isiru abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-punt 36 tal-Anness għall-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);

15.

jissottolinja l-persistenza ta’ differenza sinifikanti żżejjed bejn approprjazzjonijiet ta’ impenn u l-limitu massimu stabbilit mill-QFP, f’sitwazzjoni ta’ miżuri ta’ awsterità u tnaqqis sinifikanti fl-investiment pubbliku u privat, biex jiffinanzjaw miżuri mmirati lejn il-ħolqien tal-impjiegi, il-ġlieda kontra l-qgħad, l-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ migrazzjoni jew it-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali;

16.

huwa partikolarment imħasseb dwar id-dgħjufija tar-riżerva ta’ kontinġenza fil-baġit tal-2016, b’mod partikolari bil-ħsieb li l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-kriżi tal-migrazzjoni Ewropea li, fuq il-bażi tal-pjan tal-Kummissjoni biex jiġu rilokati 1 60  000 applikant għall-ażil fl-Unjoni kollha u l-għajnuna ta’ EUR 6  000 għal kull persuna appoġġjata, għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 1 biljun;

Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

17.

jenfasizza li l-kompetittività ekonomika globali tal-UE trid tittejjeb billi ssir ekonomija intelliġenti u inklużiva; għalhekk jilqa’ l-fatt li fl-Intestatura Ia tal-abbozz ta’ baġit il-fondi jipprovdu żieda ta’ 7,8 % fl-approprjazzjonijiet ta’ impenji meta mqabbla mal-2015 sabiex tissaħħaħ il-kompetittività u tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi;

18.

itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu, diġà espressa fl-Opinjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ baġit għall-2015 (1), biex tinħoloq linja baġitarja speċifika għall-assistenza teknika lill-makroreġjun Adrijatiku-Joniku, kif ukoll il-makroreġjun Alpin, ibbażat fuq il-linja baġitarja stabbilita fl-2014 għall-makroreġjuni tal-Baħar Baltiku u d-Danubju ta’ ammont ta’ EUR 2,5 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u pagament rispettivament;

Pjan ta’ investiment u flessibbiltà

19.

jinnota li l-abbozz ta’ baġit jinkludi elementi ġodda meta mqabbel mal-baġits preċedenti, bħall-FEIS, il-marġini globali għall-impenji, kif stipulat fl-Artikolu 14 tal-QFP, introdotta għall-ewwel darba, u dispożizzjonijiet għall-użu ta’ flessibbiltà għall-finanzjament ta’ inizjattivi ġodda taħt l-Intestatura III;

COSME, Orizzont 2020 u l-Istrateġija Ewropa 2020

20.

ifakkar li l-programm COSME għadu l-uniku programm tal-UE mmirat speċifikament lejn it-titjib tal-kompetittività u l-SMEs, u jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn meta mqabbel mal-abbozz ta’ baġit għall-2015;

21.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li parti tal-marġini globali għall-impenji u l-marġini mhux użati se jintużaw biex jiffinanzjaw il-FEIS u li ġie mnaqqas it-tnaqqis fil-programmi Orizzont 2020 u CEF, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-KtR;

22.

jemmen li tnaqqis f’riċerka strateġikament sinifikanti jista’ jkollu riperkussjonijiet konsiderevolment negattivi fit-tul u għal din ir-raġuni jopponi t-tnaqqis propost fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-programm Orizzont 2020. Hemm it-tama, madankollu, li l-approprjazzjonijiet għall-pagamenti għall-Orizzont 2020 huma stabbiliti li jiżdiedu b’10,45 %;

23.

jirrikonoxxi li l-baġit żied ir-riżorsi għal riċerka avvanzata fl-oqsma tas-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura sostenibbli u l-bijoekonomija. Jilqa’ l-inizjattiva meħuda mill-Kummissjoni li tieħu l-Orizzont 2020 biex tikseb fondi addizzjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż l-opportunitajiet fis-settur pubbliku u privat;

24.

jinnota li ħafna intrapriżi żgħar u mikrointrapriżi għad m’għandhomx il-kapaċità għar-riċerka xjentifika, u għalhekk il-fondi rilevanti ma jistgħux jintużaw f’iżjed każijiet;

25.

jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis ta’ 2,5 % fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-Istrateġija Ewropa 2020 meta mqabbel mal-2015. Aktar tnaqqis fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn se jagħmilha aktar diffiċli biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020;

Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

26.

jenfasizza li d-dħul tal-Istati Membri tal-UE jista’ jiġi konfigurat b’mudell baġitarju integrat, b’tali mod li jsir investiment ikbar fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp; bis-saħħa t’hekk, il-ħtiġijiet tal-intraprendituri fir-reġjuni jittieħdu bħala l-punt ta’ tluq biex imbagħad tittejjeb il-kompetittività tagħhom, l-iżvilupp reġjonali u d-dħul taċ-ċittadini;

27.

jilqa’ l-fatt li l-finanzjament tal-programmi u l-miżuri, li għandhom jibdew fl-2016, ġie approvat u kkonfermat. Il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni (FSE, FAEG, FRE u l-Fondi ta’ koeżjoni) kofinanzjati mal-Istati Membri ġew approvati, u l-approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli minħabba d-dewmien fil-perjodu preċedenti issa qed jintużaw; fl-istess ħin, il-Kumitat jittama li l-Kummissjoni se tiżgura li jsir użu sħiħ minn dawn il-fondi f’dawn il-programmi;

28.

jittama li l-kapaċità tal-Kummissjoni għall-eżekuzzjoni tal-pagamenti tittejjeb b’mod ġenerali u li l-gruppi destinatarji jirċievu l-investimenti meħtieġa fil-ħin;

29.

jiġbed l-attenzjoni fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri tal-UE jeżerċitaw dixxiplina baġitarja u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ l-użu tal-fondi SIE għall-irkupru ekonomiku ffukat fuq l-investimenti, il-konsolidazzjoni fiskali u r-riformi strutturali; jindika, f’dan ir-rigward, ir-rwol importanti ta’ politika ta’ koeżjoni bħala l-politika ewlenija ta’ investiment tal-UE mmirata lejn it-tnaqqis tad-disparitajiet bejn ir-reġjuni Ewropej permezz tat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

30.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea taderixxi mar-regoli tagħha dwar ir-rappurtar finanzjarju; jenfasizza li bħalissal-obbligi ta’ rappurtar huma impenjattivi fl-amministrazzjoni u l-ħin; jitlob għalhekk għal simplifikazzjoni tas-sistema ta’ rappurtar;

Tkabbir sostenibbli: riżorsi naturali

31.

jesprimi t-tħassib tiegħu li l-finanzjament taħt l-Intestatura II mhuwiex suffiċjenti biex tikkumpensa għat-telf ta’ dħul tal-bdiewa fl-Istati Membri tal-UE, ikkawżat mit-tnaqqis qawwi fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli minħabba l-prezzijiet ta’ xiri baxxi, kif ukoll it-tneħħija tal-kwoti tal-ħalib, it-tfaqqigħ attwali tad-deni tal-ħnieżer fl-Ewropa u s-sanzjonijiet Russi, u jesprimi t-tħassib tiegħu li ma ngħatat l-ebda għajnuna (diretta) biex jittaffew dawn is-sitwazzjonijiet;

32.

jiġbed attenzjoni għall-introduzzjoni ġenerali għall-baġit, li tgħid li l-fondi għat-tnaqqis tal-effetti tas-sanzjonijiet Russi tnaqqsu taħt l-Intestatura II u jiddikjara li ma jaqbilx mas-suġġeriment li s-suq jipprovdi prospetti pożittivi u li l-klima tas-suq hija pożittiva;

33.

huwa tal-fehma li r-riżerva li tirriżulta mid-differenza fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-limitu massimu (madwar 1,7 % tal-impenji taħt l-FAEG), mhijiex iġġustifikata b’mod ċar biżżejjed. Il-pjani ta’ azzjoni finalizzati huma mistennija fil-prattika, li jindikaw meta u taħt liema ċirkostanzi (pereżempju f’każ ta’ kriżijiet jew għall-ġestjoni tal-miżuri kontra l-kriżi) tista’ tintuża r-riżerva;

34.

jiddispjaċih dwar l-insuffiċjenza tal-mezzi proposti mill-Kummissjoni Ewropea għal riżerva għall-kriżi agrikola u ż-żieda insuffiċjenti tal-approprjazzjonijiet għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) meta mqabbla mal-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-2015;

35.

jikkritika l-iżvilupp tar-rata ta’ assorbiment għall-programmi 2007-2013 u jistaqsi jekk is-suppożizzjonijiet li saru mill-Kummissjoni Ewropea humiex ottimisti wisq;

36.

jibża’ li f’xi każijiet l-Istati Membri jfittxu l-iżburżar rapidu ta’ fondi sabiex ma jitilfux ammonti impenjati, u b’hekk jiżdied ir-riskju ta’ irregolaritajiet, li jistgħu jwasslu għal korrezzjonijiet finanzjarji, u li fondi mhux assorbiti fi tmiem il-perjodu ta’ pprogrammar jistgħu jwasslu għal diżimpenn awtomatiku;

37.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala l-benefiċjarji ewlenin, iġorru l-akbar piż ta’ irregolaritajiet u diżimpenji, peress li piż finanzjarju tagħhom jiżdied;

38.

jappella għal ippjanar finanzjarju ta’ kwalità aħjar fil-livelli kollha u għal sforz biex tiġi evitata l-programmazzjoni mekkanika ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament mill-Kummissjoni Ewropea;

Sigurtà u Ċittadinanza

39.

jenfasizza l-importanza tal-impenji li saru fl-abbozz ta’ baġit tal-UE għall-2016 u jitlob li jissaħħu aktar, b’rispons għall-iżviluppi riċenti, li jġibu magħhom kompiti ġodda aktar serji u onerużi, bħall-kriżi migratorja u sitwazzjonijiet problematiċi ġodda fil-viċinat; jappoġġja l-applikazzjoni tal-istrument ta’ flessibbiltà f’forma xierqa; madankollu jibża’ li ż-żidiet proposti jistgħu jirriżultaw bħala insuffiċjenti u li se jkunu meħtieġa ħafna aktar riżorsi;

L-Ewropa fid-dinja

40.

huwa tal-fehma li l-baġit tal-UE għall-2016 irid ikun xhieda tad-determinazzjoni tal-UE li jkollha rwol iktar attiv u affidabbli fil-livell internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kawżi tal-kriżi u li tqis l-interessi u r-responsabbiltajiet reġjonali u globali;

Il-passi li jmiss

41.

jitlob li jkun hemm preżentazzjoni u adozzjoni iktar bikrin tal-proposti leġislattivi ewlenin għall-perjodu ta’ programmar li jmiss (wara l-2020). Fil-fatt, dewmien fl-adozzjoni tal-Qafas Finanzjaru Pluriennali kif ukoll ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u regolamenti speċifiċi oħrajn tal-FEIS, li rriżultaw minn negozjati diffiċli, kienu l-kawża għalfejn il-perjodu ta’ programmar 2014-2020 beda bil-mod u huma waħda mir-raġunijiet ewlenin għaż-żieda fl-impenji pendenti. Il-Kumitat se jkollu rwol attiv f’dibattitu bikri dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2020, u se jressaq il-kontribut tiegħu għad-diskussjonijiet fi żmien debitu;

42.

jenfasizza l-importanza tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji u “l-ewwel rapport ta’ valutazzjoni”, li jipproponi li l-kwistjoni tar-riżorsi proprji tiġi eżaminata minn numru kemm jista’ jkun kbir ta’ perspettivi;

43.

jenfasizza r-rieda tiegħu li jipparteċipa fid-dibattitu dwar ir-riforma tar-riżorsi proprji tal-UE. Fil-fehma tal-Kumitat, riforma fundamentali hija assolutament essenzjali, billi n-nuqqasijiet tas-sistema attwali diġà wasslu għal problemi fin-negozjati baġitarji, u anke problemi akbar huma probabbli, pereżempju l-impatt negattiv tal-pagamenti pendenti u l-arretrati fuq il-kofinanzjament ta’ proġetti ta’ investiment fil-livelli nazzjonali, lokali u reġjonali;

44.

fetaħ dibattitu preliminari f’waqtu dwar l-ippjanar ta’ miżuri għall-perjodu ta’ programmar li jmiss wara l-2020 li għandhom impatt dirett u immedjat fuq il-baġits lokali u reġjonali u jirriflettu l-ħtiġijiet li qed jinbidlu, sabiex jiġu evitati l-problemi li nqalgħu matul perjodi ta’ programmar preċedenti u b’mod partikolari fil-bidu tal-perjodu ta’ programmar 2014-2020.

Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  COR-2014-01750-00-00-AC.


17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/53


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn ftehim dinji dwar il-klima f'Pariġi

(2015/C 423/10)

Relatur:

Is-Sinjura Annabelle Jaeger (FR/PSE), Kunsilliera Reġjonali tal-Provence-Alpes Côte d’Azur

Dokument ta' referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Il-Protokoll ta' Pariġi – Pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima wara l-2020

COM(2015) 81 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

Ftit xhur qabel il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) u fl-ispirtu tar-rapporti preċedenti tagħha (1):

jappoġġja bil-qawwi l-Unjoni Ewropea (UE) biex din taqdi r-rwol sħiħ tagħha bħala mexxejja fin-negozjati internazzjonali,

iħeġġiġha biex tħaffef l-isforzi tagħha qabel l-2020 u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim il-ġdid dwar il-klima, b’mod partikolari dwar l-effiċjenza fl-enerġija, is-sinjal permezz tal-prezzijiet tas-CO2 fl-Ewropa u l-mobilizzazzjoni ta’ finanzjamenti internazzjonali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil- klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

iħeġġiġha, qabel Pariġi u mhux aktar tard mill-2016, tgħolli l-livell tagħha ta’ “kontribut determinat fil-livell nazzjonali (INDC – “Intended Nationally Determined Contribution”), u jqis li l-ftehim ta’ Pariġi għandu jkun dinamiku u sostenibbli, li jinkludi mekkaniżmu biex jiġu evalwati u mtejba b’mod regolari (kull ħames snin) il-kontributi tal-Istati Membri,

jinkoraġġiha biex turi kif se żżomm is-sehem tal-impenji finanzjarji tagħha meħuda f’Kopenħagen fl-2009, u biex tiddefendi approċċ ġust fir-rigward tal-finanzjament u d-divrenzjar li jkun jippermetti s-sostenn tat-tranżizzjoni tal-enerġija u r-reżiljenza tal-ifqar territorji jew dawk l-aktar vulnerabbli fid-dinja,

itenni x-xewqa tiegħu għal governanza klimatika dinjija ġdida bbażata fuq il-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli, fejn l-azzjoni tal-atturi mhux statali tkun rikonoxxuta bis-sħiħ u fejn kull livell ta’ gvern jista’ jimmassimizza l-azzjoni tiegħu dwar il-klima.

Ir-rwol determinanti tal-Unjoni Ewropea favur ftehim ambizzjuż f’Pariġi,

1.

Fid-dawl tal-5 Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) u r-rapport ta’ sinteżi tiegħu, il-KtR jinsab imħasseb ħafna li d-dinja mhijiex fit-triq it-tajba sabiex iż-żieda fit-temperatura tinżamm taħt iż-2 oC. Huwa jagħraf il-ħtieġa urġenti li jiġu aċċellerati l-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u li jseħħ l-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima u li jiġi adottat ftehim f’Pariġi li jippermetti li nibqgħu taħt dan il-limitu.

2.

Għaldaqstant, il-KtR jagħmel appell lill-UE biex b’mod attiv tappoġġja għan dinji fit-tul li jikkorrispondi max-xenarji l-aktar siguri tal-IPCC. Dan huwa l-għan li nimmiraw lejn livell ta' karbonju żero sal-2050. Din il-mira komuni tibgħat sinjal qawwi lill-pajjiżi u lill-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari lill-investituri, sabiex l-ekonomija dinjija tiġi ddirezzjonata 'l bogħod mill-enerġiji fossili.

Il-KtR ifakkar f’dan ir-rigward li l-UE ssettjat mira fit-tul ta’ - 80 sa - 95 % tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra mill-preżent sal-2050.

3.

Il-KtR iqis li l-ewwel l-impenji tal-UE fi ħdan il-qafas tal-INDC sejrin fid-direzzjoni t-tajba; madankollu, il-KtR iħeġġiġha tmur lil hinn billi tieħu deċiżjoni dwar reviżjoni biex iżżid l-impenji tagħha stabbiliti mill-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2014. Il-KtR huwa tal-opinjoni (2) li tnaqqis ta’ mill-inqas 50 % tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-Ewropa ikun kemm realistiku kif ukoll ta’ benefiċċju għall-Ewropa. Huwa wkoll possibbli u mixtieq li jintlaħqu mill-inqas 40 % tal-enerġiji rinnovabbli u 40 % tal-effiċjenza fl-enerġija. Barra minn hekk, il-KtR jqis li l-UE għandha tappoġġja l-inklużjoni ta’ perjodi ta’ impenn, u ta' ċikli ta’ reviżjoni ta' ħames snin li jibdew fl-2025 fil-ftehim ta’ Pariġi, sabiex jiġi evitat li ninqabdu f’livell ta’ ambizzjoni aktar baxx fuq perjodu twil ta’ żmien, u biex b’mod regolari jitqiesu l-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija.

4.

Il-KtR jitlob lill-pajjiżi żviluppati, dawk membri tal-UE u dawk li mhumiex, biex iħabbru “pakkett finanzjarju” minn issa sal-COP21 bħala appoġġ għall-isforzi ta’ adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-KtR jistenna mill-UE pjan direzzjonali biex iżżid il-finanzjamenti tagħha, li għandhom ikunu prevedibbli, trasparenti, ġodda u addizzjonali. F’dan id-dokument, l-UE għandha tindika kif beħsiebha tirrispetta l-impenn tagħha li timmobilizza sehemha mill-impenn li jammonta għal USD 100 biljun kull sena sal-2020. L-UE għandha tappoġġja wkoll fil-ftehim ta’ Pariġi, il-prinċipju ta’ impenji finanzjarji ġodda għall-perjodu wara l-2020, stabbiliti kull ħames snin u b’miri separati għall-adattament, li kien il-verżjoni inferjuri tal-finanzjamenti għall-klima;

5.

Il-KtR jilqa' wkoll il-pożizzjoni tal-KE li l-ftehim u d-deċiżjonijiet li jakkumpanjawh jeħtieġu jipprovdu qafas għal sett b'saħħtu ta' regoli dwar it-trasparenza u sistema magħquda komuni għall-kejl, ir-rappurtar u l-verifika regolari tal-prestazzjoni ta' kull Partit dwar il-miri tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tagħhom. Tali qafas se jkun pedament essenzjali għal kooperazzjoni globali sinifikanti dwar il-klima u huwa meħtieġ li jiġu promossi l-fiduċja u l-kunfidenza li dawn l-impenji jiġu sodisfatti. Se jkun ukoll importanti li wieħed jifhem il-livell ta' mitigazzjoni miksub u jħeġġeġ l-ambizzjoni u għaldaqstant ikun fl-interess ta' kulħadd;

6.

Il-KtR jilqa’ l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (KE) li beħsiebha tinkludi l-adattament bħala pilastru tal-ftehim (flimkien mat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-finanzjamenti). Huwa essenzjali li wieħed jagħraf ir-rabta ċara bejn iż-żieda fit-temperatura u ż-żieda fil-ħtiġijiet għal adattament.

Il-KtR jinsab sodisfatt ukoll li l-Fond Ekoloġiku għall-Klima ddeċieda li jipprovdi finanzjament ugwali bejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Huwa jirrakkomanda lill-KE biex tuża l-inizjattiva “Mayors Adapt”, li tnediet fl-2014 bħala parti mill-Istrateġija Ewropea dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, bħala prattika tajba u eżempju possibbli li għandu jiġi segwit mill-imsieħba internazzjonali biex titjieb ir-reżiljenza tat-territorji.

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-istati gżejjer żgħar, huma l-aktar vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima: il-ftehim il-ġdid dwar il-klima jrid jikkunsidra l-ħtiġijiet tagħhom għall-adattament.

7.

Il-KtR jirrakkomanda wkoll lill-Unjoni Ewropea biex minn issa żżid l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (mingħajr ma tistenna d-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ Pariġi fl-2020) billi:

issaħħaħ b’mod sinifikanti l-prezz tal-karbonju fl-Ewropa, sakemm jilħaq livell kredibbli biex jagħti direzzjoni mill-ġdid lill-investiment pubbliku u privat. Wara l-adozzjoni tar-Riżerva tal-Istabbiltà dwar l-EU ETS (3), ir-riforma strutturali għal wara l-2020 ta’ din l-għodda għandha tillimita b’mod sostenibbli l-kwoti li jifdal tas-CO2 u żżid ir-rendiment mill-bejgħ tal-kwoti għal Istati.

L-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja l-allokazzjoni tad-dħul kollu tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għat-tranżizzjoni tal-enerġija u għall-ġlieda dinjija kontra t-tibdil fil-klima, li minnhom mill-inqas 50 % għall-Fond Ekoloġiku għall-Klima;

wara li jirrikorru għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala kbira; u għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

tnaqqas malajr l-appoġġ pubbliku u s-sussidji għall-karburanti fossili, li huma l-kawżi prinċipali għat-tibdil fil-klima (kemm jekk għall-esplorazzjoni ta’ riżervi ġodda, kif ukoll għall-produzzjoni u jew il-konsum);

tappoġġja l-azzjoni konkreta territorjali u l-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati kollha.

tħeġġeġ ix-Xiri u l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (CCPV) tal-prodotti u s-servizzi li huma aktar effiċjenti fl-enerġija.

Ir-reġjuni u l-bliet, lievi ta’ suċċess tal-għanijiet tal-klima

8.

Ir-reġjuni u l-bliet għandhom rwol ewlieni fil-kisba u t-tisħiħ tal-objettivi klimatiċi tal-pajjiż. Peress li huma dawn li jaġixxu fuq il-mobbiltà u t-trasport, l-ippjanar tal-iżvilupp urban u l-ambjent mibni, fuq l-enerġija u l-infrastruttura ekoloġika, dawn huma l-atturi ewlenin involuti fl-isforzi dinjija biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u tiżdied ir-reżiljenza għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

9.

Il-KtR jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-iskema l-ġdida dwar il-klima twiegħed li tpoġġi aktar enfasi fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-impenji li saru skont il-Protokoll ta’ Pariġi. Ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni tressaq 'il quddiem mill-KE u minn bosta atturi oħra fin-negozjati tan-NU (4) dwar il-klima. Dawn jaqblu li l-ftehim il-ġdid għandu jirrikonoxxi l-azzjoni tal-bliet u r-reġjuni, li mingħajrha l-Istati ma jkunux kapaċi jwettqu l-impenji tagħhom. Il-kredibbiltà tal-impenji li ttieħdu mill-partijiet ser tiddependi minn impenn qawwi u reali tal-bliet u r-reġjuni, kif ukoll tal-industrija jew l-investituri.

10.

Enfasi aktar qawwija mill-Patt tas-Sindki, kif ukoll estensjoni sal-2030 u 2050, huma meħtieġa sabiex tissaħħaħ id-dinamika tas-6  500 belt u reġjun Ewropej firmatarji li impenjaw ruħhom li jmorru lil hinn mill-miri Ewropej għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020.

Il-KtR jappoġġja l-estensjoni tal-Patt tas-Sindki fil-livell dinji u jistieden lill-KE biex tipprovdi l-mezzi meħtieġa għal tali approċċ, adatti għar-realtajiet territorjali. Din l-estensjoni għandha ssir f’koordinazzjoni u b'konformità mal-inizjattivi internazzjonali u nazzjonali l-oħra mwettqa permezz tan-netwerks ta’ awtoritajiet lokali bħal dak tal-“Compact of Mayors”. B’mod parallel, din tfisser ukoll li ma jiġux marġinalizzati l-bliet li ddeċidew li jaġġixxu fir-rigward tal-klima mingħajr ma jagħmlu parti mill-Konvenzjoni.

11.

Il-KtR jistieden lill-KE biex, fil-kuntest tal-ftehim il-ġdid, tieħu inkunsiderazzjoni l-isforzi kwantifikabbli u li jistgħu jitkejlu tal-bliet u r-reġjuni fil-kontributi nazzjonali (għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra, l-ekonomiji tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli). Il-KE tista’ tibni b'mod speċifiku fuq il-ħidma tal-inizjattiva Compact of States and Regions, il-Patt tas-Sindki u l-inizjattiva Compact of Mayors, li lkoll fihom impenji ċari, speċifiċi u trasparenti ta’ bliet u reġjuni fl-Ewropa u madwar id-dinja.

Il-KtR iqis li jeħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet adegwati – regolamentazzjoni u mekkaniżmi finanzjarji – sabiex jippermettu azzjoni ottimizzata għall-bliet u r-reġjuni.

12.

Il-KtR itenni l-bżonn għal politika ta' investiment volontarja u innovattiva mmirata lejn it-territorji fil-proġetti sostenibbli – b'mod partikolari fil-qafas tal-enerġija u l-adattament – li tinkludi l-bliet u r-reġjuni fil-proċess ta’ allokazzjoni ta’ fondi u l-kunsiderazzjoni ta’ proġetti fuq skala iżgħar taħt il-Pjan Juncker. Huwa jirrakkomanda li tiġi esplorata l-idea li l-investiment tal-klima jitnaqqas fil-kalkolu tad-dejn ta’ Maastricht.

13.

Il-KtR jirrakkomanda aċċess faċilitat għall-bliet u r-reġjuni għall-Fondi globali prinċipali għall-klima: il-Fond Ekoloġiku għall-Klima, il-Fond għall-Ambjent Dinji u l-Fond ta' Adattament.

B’mod partikolari, aċċess dirett lill-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-aktar vulnerabbli għall-fondi dinjija tal-klima, b’mod partikolari aċċess għall-Fond Ekoloġiku, jippermetti azzjoni aċċellerata mill-partijiet interessati f’approċċ komuni dwar il-klima u l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju.

14.

Il-KtR jipproponi governanza dinjija fuq il-klima li tifformalizza l-ħidma tal-bliet u r-reġjuni, ibbażata fuq il-prinċipji ta’ governanza f’diversi livelli:

huwa jfakkar ir-rieda tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li fit-test tal-ftehim jiġi inkluż paragrafu dwar ir-rwol ewlieni tagħhom biex jindirizzaw l-isfida tal-klima u li r-rwol tagħhom jiġi formalizzat fil-proċess tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), sabiex ikunu jistgħu jimmassimizzaw il-potenzjal tagħhom għal azzjoni fir-rigward tal-klima,

b’mod partikolari, huwa jitlob li matul il-COP għandhom jiġu organizzati b’mod sistematiku ġurnata ddedikata lill-awtoritajiet lokali, kif ukoll spazju ddedikat għal gvernijiet lokali mis-Segretarjat tal-UNFCCC u l-pajjiż ospitanti, kif kien il-każ din is-sena għal COP 21,

huwa jitlob, barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ djalogu strutturat matul iċ-ċiklu tan-negozjati u mhux biss matul il-konferenzi internazzjonali ta’ tmiem is-sena. Il-KE tista’ tagħti eżempju billi tistabbilixxi djalogu mal-KtR diversi drabi fis-sena, qabel u matul il-konferenzi organizzati mill-UNFCCC (COP u konferenzi preparatorji f'Bonn, il-Ġermanja).

15.

Il-KtR jilqa’ b'sodisfazzjoni l-organizzazzjoni tas-Summit Dinji dwar il-Klima u t-Territorji f’Lyon fl-1 u t-2 ta’ Lulju li ġej, kif ukoll is-Summit Dinji tal-gvernijiet lokali dwar il-klima f’Pariġi fl-4 u s-7 ta’ Diċembru, u beħsiebu jipparteċipa fihom. Dawn l-avvenimenti huma opportunità għall-atturi mhux statali kollha biex jaħdmu flimkien qabel u matul il-COP21, u biex itennu r-rwol essenzjali tagħhom billi jħabbru impenji sinifikanti biex jikkatalizzaw l-azzjoni dinjija dwar il-klima, b'mod speċjali dik tal-Istati.

16.

Il-KtR fl-aħħar nett jirrakkomanda lill-Unjoni Ewropea biex tappoġġja l-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-COP li tistabbilixxi programm ta’ ħidma dwar l-azzjoni tal-bliet u r-reġjuni għall-klima, li tiddefinixxi modus operandi bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fuq naħa, u l-Istati Membri fuq in-naħa l-oħra. Bħala eżempju tista' tittieħed il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), li fl-2010 adottat “Pjan ta’ Azzjoni għall-bliet u r-reġjuni” (5). Dan il-pjan ser ikun applikazzjoni flessibbli tal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli fil-livell internazzjonali.

L-impenn tal-atturi kollha, is-suċċess meħtieġ tal-COP21 ,u l-ġlieda dinjija kontra t-tibdil fil-klima

17.

L-IPCC u l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent jgħidulna b’mod ċar li sabiex it-tisħin globali jiġi limitat għal taħt iż-2 oC sal-aħħar tas-seklu jeħtieġ li l-atturi kollha jsaħħu u jħaffu l-isforzi tagħhom biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn issa stess, ibda mill-pajjiżi li huma prinċipalment responsabbli għat-tibdil fil-klima.

Il-politika l-ġdida dwar il-klima għandha tkun ibbażata fuq adeżjoni wiesgħa mill-partijiet interessati kollha u tiġi implimentata permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq. F'dan ir-rigward, il-bliet u r-reġjuni jaqdu rwol essenzjali bħala sors ta' informazzjoni, edukazzjoni u unifikazzjoni tal-inizjattivi tal-atturi.

18.

Filwaqt li jitqiesu d-diskussjonijiet li għaddejjin dwar “l-Aġenda tal-azzjoni” proposta mill-kopresidenza Franċiża u Peruvjana tal-COP sabiex tissaħħaħ l-azzjoni klimatika tal-atturi kollha, il-KtR itenni x-xewqa tiegħu li jara l-bliet u r-reġjuni jipparteċipaw f’din l-aġenda. Il-KtR:

jistieden lir-reġjuni u l-bliet Ewropej ikomplu u jespandu l-impenji tagħhom dwar l-għanijiet kwantifikabbli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, it-trasport nadif, l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u l-iffrankar tal-enerġija sabiex isaħħu d-dinamika madwar il-ftehim ta’ Pariġi. Huwa jistidinhom biex jingħaqdu fil-Patt tas-Sindki, l-inizjattivi “Compact of Mayors u Compact of States and Regions”, u li jieħdu sehem fl-avvenimenti l-kbar f’Lyon u Pariġi biex jagħtu xhieda u juru d-determinazzjoni tagħhom,

Jistieden lir-reġjuni u lill-ibliet biex ikomplu jikkondividu l-aħjar prattiki intra-Ewropej tagħhom, iżda wkoll bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, b’mod partikolari permezz tal-pjattaforma, NAZCA (6), il-“Compact of Mayors”, u l-“Compact of States and Regions”,

huwa konxju li l-kredibilità tal-impenji meħuda tiddependi mill-kriterji tal-għażla tal-proġetti u l-inizjattivi, it-trasparenza tagħhom, u r-rigorożità tal-metodi u s-serjetà tal-evalwazzjoni tagħhom. Il-Patt tas-Sindki huwa referenza f’dan il-qasam u jista' jispira lill-inizjattivi l-oħra li għaddejjin bħalissa u dawk futuri biex jiżguraw sistema robusta tal-MRV (7) (Monitoring, reporting and review). F’dan il-kuntest, il-KtR jitlob li l-UE jkollha r-rwol li tiżgura koerenza u armonizzazzjoni ta’ dawn fil-livell tal-UE, jekk mhux lil hinn,

jistieden ukoll lill-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa biex jużaw l-influwenza tagħhom ta’ kooperazzjoni internazzjonali deċentralizzata biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni tal-enerġija u r-reżiljenza fil-pajjiżi terzi, u b’mod partikolari l-pajjiżi foqra u vulnerabbli. Dawn ir-relazzjonijiet privileġġati bejn ir-reġjuni u l-bliet tad-dinja kollha jistgħu jintużaw għal diplomazija fil-qasam tal-klima fil-livelli kollha.

19.

F’dan l-ispirtu ta’ mobilizzazzjoni kollettiva, il-KtR beħsiebu jwassal messaġġi konverġenti, flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li jindikaw li r-reġjuni u l-bliet huma mobilizzati għall-COP21 flimkien mas-soċjetà ċivili u l-intrapriżi.

20.

It-tisħin globali huwa waħda mill-ikbar sfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-umanità fl-iżvilupp sostenibbli, is-saħħa u l-ekonomija dinjija. Il-Konferenza ta’ Pariġi mhijiex għan fiha nnifisha iżda t-tnedija ta' proċess dinamiku u li jevolvi li ser jippermetti lill-komunità internazzjonali biex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa sabiex terġa' lura fil-perkors biex iż-żieda fit-temperatura tibqa’ taħt iż-2 oC. Ftehim dinji ġdid f’Pariġi dwar il-klima huwa indispensabbli; huwa daqstant ieħor importanti li niffaċilitaw u nsaħħu d-dinamika tal-atturi biex jiġi żgurat rispons kollettiv għall-isfidi.

Brussell, l-14 ta' Ottubru 2015.

Il-Presidenttal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Opinjoni CdR 2691/2014 dwar “Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030”, Annabelle Jaeger (FR/PSE); Opinjoni CdR 5810/2013 dwar "Green Paper – Qafas għall-Politiki dwar il-Klima u l-Enerġija sal-2030, Sirpa Hertell (FI/PPE); Riżoluzzjoni CdR 5883/2013 dwar “UNFCCC COP 19 – Nimxu 'l Quddiem fl-Aġenda Internazzjonali Dwar it-Tibdil fil-Klima”; Opinjoni CdR 3752/2013 dwar “Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima”, Neil Swannick (UK/PSE).

(2)  Opinjoni CdR 2691/2014 dwar “Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030, Annabelle Jaeger (FR/PSE).

(3)  L-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tal-UE (European Union Emission Trading Scheme – EU ETS).

(4)  L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

(5)  Deċiżjoni CBD COP10: X/22 “Il-pjan ta' azzjoni dwar il-gvernijiet sottonazzjonali, il-bliet u awtoritajiet lokali oħra għall-bijodiversità” https://www.cbd.int/decision/cop/default.shtml?id=12288

(6)  Pjattaforma tal-atturi mhux statali għall-azzjoni klimatika (Non-State Actor Zone for Climate Action – NAZCA).

(7)  Il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (Monitoring, reporting and review – MRV).


17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/58


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-iżvilupp tal-potenzjal tal-Enerġija mill-Oċeani

(2015/C 423/11)

Relatur:

Is-Sur Glyn Thomas (UK/AE)

Membru tal-Assemblea ta’ Carmarthen East u Dinefwr

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

L-importanza tal-Enerġija mill-Oċeani

1.

jenfasizza l-kontribut importanti tal-Enerġija mill-Oċeani biex jintlaħqu l-bżonnijiet futuri fil-qasam tal-enerġija mhux biss fi ħdan l-Unjoni Ewropea iżda wkoll minn perspettiva globali; jilqa’ wkoll l-inklużjoni tagħha bħala wieħed mill-ħames oqsma ta’ prijorità tal-Istrateġija tat-Tkabbir Blu, u huwa tal-fehma li l-UE tista’ tkun attur ewlieni fil-qasam tal-enerġija mill-oċeani;

2.

jinnota li billi tipprovdi sors affidabbli u prevedibbli ta’ enerġija rinnovabbli, l-Enerġija mill-Oċeani għandha l-potenzjal li:

tgħin biex jinkisbu l-impenji tal-UE dwar il-Klima u l-Enerġija Rinnovabbli;

tikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tat-taħlita tal-enerġija;

tikkontribwixxi għall-miri tas-sigurtà tal-enerġija u tgħin biex titnaqqas l-intermittenza tal-provvista tal-enerġija;

toħloq l-impjiegi u t-tkabbir, billi tikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni u r-riġenerazzjoni tal-portijiet, il-gżejjer u l-komunitajiet kostali tal-UE, li ħafna minnhom huma f’partijiet remoti tal-UE, u għall-industriji tad-divertiment u tat-turiżmu u l-akkwakultura (1);

tipprovdi sors rikk ta’ kapital intellettwali, riċerka, għarfien, innovazzjoni u titjib tal-ħiliet (inklużi fl-inġinerija, l-ittestjar, il-manifattura, it-trasport, l-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ faċilitajiet tal-enerġija mill-oċeani, il-faċilitajiet tal-port);

tipprovdi iktar benefiċċji ambjentali, pereżempju d-difiżi kostali kontra l-għargħar, l-istimolu ta’ ekoloġiji tal-baħar ġodda;

3.

Il-fatt li l-enerġija mill-oċeani għandha ħafna teknoloġiji differenti jfisser li l-iżvilupp tal-enerġija mill-oċeani għandu jseħħ f’ħafna livelli differenti u f’għadd ta’ kuntesti. Huwa hawnhekk li l-UE permezz tal-bosta żoni kostali tagħha tagħmel suċċess bħala attur globali.

4.

jinnota li l-Pjan Direzzjonali Ewropew dwar l-Enerġija mill-Oċeani (EOER) 2010-2050 jistma li:

sa nofs miljun impjieg jistgħu jinħolqu fl-UE sal-2050, 26  000 impjieg dirett sal-2020;

L-Enerġija mill-Oċeani tista’ taqdi minn 10 sa 15 % tad-domanda għall-enerġija tal-UE fl-2050 (ġie suġġerit 100 GW (2)), li tipprovdi għal 115-il miljun dar;

Bidla lejn l-enerġija mill-oċeani tista’ timplika tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2 ta’ 2,61 miljun tunnellata sal-2020 u 136,3 miljun tunnellata sal-2050;

5.

jirrikonoxxi li l-Oċean Atlantiku għandu l-ogħla potenzjal għall-Enerġija mill-Oċeani fl-UE, madankollu, jenfasizza l-kontribut importanti minn ibħra oħra u baċiri tal-ilma oħra tal-UE, inkluż il-Baħar tat-Tramuntana, il-Baħar Baltiku, il-Kanal Ingliż, u l-Mediterran;

6.

jirrikonoxxi l-potenzjal għall-Enerġija nadifa mill-Oċeani għall-ħafna gżejjer tal-UE; l-użu ta’ din l-enerġija jista’ jikkontribwixxi għall-awtonomija enerġetika tal-gżejjer u r-reġjuni periferiċi marittimi inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi (3), filwaqt li joffri wkoll potenzjal ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali kbir ħafna għax joħloq impjiegi lokali f’dawn il-komunitajiet, inklużi opportunitajiet għal ħafna portijiet żgħar u ta’ daqs medju fl-UE;

7.

jenfasizza li l-iżvilupp tas-settur tal-Enerġija mill-Oċeani huwa ta’ interess għall-UE kollha: opportunitajiet ta’ investiment fir-riċerka, l-għarfien, il-ħiliet u l-iżvilupp, il-manifattura u l-esportazzjoni tal-komponenti, l-iżvilupp tal-katini tal-provvista, mhumiex ristretti għaż-żoni kostali jew għall-gżejjer;

8.

jenfasizza l-importanza ta’ approċċ olistiku għall-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta. Għadd ta’ sfidi li qiegħed jiffaċċja s-settur tal-enerġija mill-oċeani huma kondiviżi ma’ sorsi tal-enerġija lil hinn mill-kosta, pereżempju l-aċċess għan-netwerk u l-konnettività, u l-iżvilupp tal-ħiliet;

9.

jinnota t-tipi differenti tal-Enerġija mill-Oċeani: Medda Mareali (eż. Tidal Lagoons), Fluss mareali, Enerġija mill-Mewġ, Enerġija mill-Gradjenti tal-Melħ, u Konverżjoni tal-Enerġija Termika mill-Oċeani (OTEC) (4);

10.

jinnota li t-teknoloġiji għal dawn id-diversi Enerġiji mill-Oċeani huma fi stadji differenti ta’ maturità, u bl-eċċezzjoni tal-Medda Mareali, kollha huma fl-istadju tar-riċerka u l-iżvilupp, l-aktar proġetti pilota fuq skala żgħira, bl-ebda arranġamenti fuq skala kummerċjali f’operazzjoni, u m’għad hemm l-ebda kunsens dwar it-tagħmir teknoloġiku preferut;

11.

jenfasizza madankollu li l-konvertituri tal-enerġija mill-mewġ u mill-fluss tal-marea qegħdin jiġbdu aktar interess kummerċjali u jistgħu jsiru dejjem aktar rilevanti fuq perjodu medju u fit-tul peress billi jistgħu jiġġeneraw l-enerġija f’firxa wiesgħa ta’ postijiet.

L-UE u r-reġjuni tagħha fuq quddiem… għal kemm żmien?

12.

jinnota li l-UE bħalissa hi fuq quddiem globalment fl-iżvilupp tas-settur, b’għadd ta’ demostrazzjonijiet fuq skala żgħira u attivitajiet ta’ riċerka, iktar minn 500 kumpanija attiva fis-settur tal-enerġija mill-oċeani, u iktar minn 50 % tal-attività globali mill-enerġija mill-marea; xi proġetti laħqu wkoll għeluq finanzjarju (5);

13.

jirrikonoxxi li f’ħafna każijiet l-ispinta lejn l-iżvilupp tal-enerġija mill-oċeani u mill-ibħra ġejja mil-livell taħt dak tal-Istati Membri, pereżempju, Cornwall, il-Bretanja, Aquitaine, il-Pays de la Loire, in-Normandija t’Isfel, il-pajjiż Bask, il-Cantabria, il-Galizja, l-Iskozja, Wales, il-Flanders, ir-reġjun ta’ Västra Götaland u aktar.

14.

jinnota, madankollu, li minkejja l-interess industrijali, l-involviment ta’ għadd ta’ kumpaniji multinazzjonali u utilitajiet tal-enerġija f’attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp, l-iskala ta’ investiment ma laħqitx dik ta’ setturi oħra tal-enerġija rinnovabbli u lanqas ma ntlaħqu l-miri tal-użu previsti għall-2020;

15.

jirrikonoxxi li mingħajr azzjoni suffiċjenti hemm ir-riskju li l-UE titlef it-tmexxija globali tagħha.

Sfidi għall-iżvilupp tal-Enerġija mill-Oċeani

16.

jenfasizza għadd ta’ ostakli interkonnessi għat-tkabbir tas-settur li għandhom jingħelbu:

teknoloġiċi

finanzjarji

amministrattivi/ta’ governanza (inkluż kwistjonijiet ta’ approvazzjoni/ippjanar u d-disponibbiltà/l-aċċess għad-data)

kwistjonijiet relatati man-netwerk (konnettività).

Impatt ambjentali.

17.

jenfasizza li filwaqt li jeħtieġ li dawn l-isfidi jiġu indirizzati kollettivament, l-isfidi teknoloġiċi u finanzjarji huma partikolarment urġenti, peress li mingħajr prova tal-kunċett u teknoloġija affidabbli l-industrija se ssibha diffiċli biex tirnexxi u tkunvijabbli;

18.

jesprimi t-tħassib tiegħu li l-istadju bikri ta’ ħafna mit-teknoloġija tal-Enerġija mill-Oċeani, flimkien mal-ispejjeż għoljin marbuta mal-ittestjar fl-oċeani u l-ibħra – b’mod partikolari f’kundizzjonijiet ħorox u mhux prevedibbli – jipprovdu ostaklu prinċipali għall-investiment fuq skala kbira, għaldaqstant dan ifixkel l-iżvilupp teknoloġiku; din hija problema partikolari għall-investituri privati billi kemm il-prova tal-kunċett kif ukoll l-iskalabbiltà tat-teknoloġija huma fatturi ewlenin għall-aċċess għall-finanzjament u għat-tnaqqis tal-ispejjeż għal kull unità;

19.

jisħaq dwar l-importanza tal-konsiderazzjonijiet ambjentali stipulati fid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u l-opinjoni reċenti tiegħu dwar dan is-suġġett (6); jappoġġja aktar riċerka u innovazzjoni għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet sostenibbli ta’ Enerġija mill-Oċeani għal attivitajiet ta’ ttestjar u tnedija, peress li l-introduzzjoni tal-enerġija fil-baħar (storbju, dawl, sħana u radjazzjoni) taffetwa l-ambjent u l-ekosistemi tal-baħar;

20.

jitlob li jittieħdu t-tagħlimiet mis-settur tal-enerġija eolika u mill-parki eoliċi fuq il-baħar, b’mod partikolari għall-kumpaniji u l-istituti ta’ riċerka li jikkollaboraw sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u tal-finanzjament, u biex titrawwem l-istandardizzazzjoni fi ħdan l-industrija, li hi meħtieġa biex titjieb il-kompetittività tan-nefqa.

Azzjoni fil-livell tal-UE u koordinazzjoni/kooperazzjoni aktar b’saħħitha

21.

jafferma li, minħabba d-daqs tal-investimenti meħtieġa sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tas-settur tal-Enerġija mill-Oċeani, huwa essenzjali li jsiru azzjonijiet koordinati bejn il-livelli differenti ta’ governanza fl-UE, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, biex torganizza konferenza flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Parlament Ewropew, u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, jaħdmu f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-istituti ta’ riċerka u l-universitajiet, l-NGOs, l-industrija emerġenti, u l-investituri potenzjali;

22.

jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex twaqqaf Forum tal-Enerġija mill-Oċeani bil-kompitu li jippubblika Pjan Direzzjonali għall-Enerġija mill-Oċeani biex imexxi l-iżvilupp ta’ dan is-settur u bl-opinjoni tiegħu beħsiebu jiżgura li l-pjan direzzjonali jieħu in konsiderazzjoni d-dimensjoni qawwija lokali u reġjonali fl-iżvilupp ta’ din l-industrija emerġenti;

23.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa l-Forum tal-Enerġija mill-Oċeani fi pjattaforma industrijali sabiex tmexxi ‘l quddiem it-twassil tal-azzjonijiet ewlenin stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija mill-Oċeani;

24.

jitlob li jiġu stabbiliti miri fil-livell tal-UE għall-Enerġija mill-Oċeani bħala dikjarazzjoni ta’ intenzjoni ċara sabiex l-investituri jingħataw ċertezza dwar impenji fit-tul;

25.

jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ koerenti għall-attivitajiet kollha marbuta mal-ibħra u l-oċeani; jargumenta li l-iżvilupp tas-settur tal-Enerġija mill-Oċeani jista’ jipprovdi stimolu għall-iżvilupp ta’ Politika Industrijali Marittima għall-UE;

26.

jilqa’ l-istrateġiji nazzjonali dwar l-enerġija mill-ibħra u l-oċeani li żviluppaw l-Irlanda u tal-Portugall; jilqa’ l-inklużjoni tal-enerġija mill-oċeani fil-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Enerġija Rinnovabbli ta’ tmien Stati Membri: ir-Renju Unit, l-Irlanda, Franza, il-Portugall, Spanja, il-Finlandja, l-Italja u n-Netherlands; u inizjattivi ta’ Stati Membri oħra bħad-Danimarka u l-Iżvezja.

27.

jitlob lill-Istati Membri biex jagħtu tmexxija strateġika u politika lill-iżvilupp ta’ din l-industrija permezz ta’ appoġġ aktar qawwi għall-proġetti ta’ riċerka u dimostrazzjoni fuq it-territorju tagħhom; barra minn hekk, jenfasizza l-importanza tal-Istati Membri li jipprovdu oqfsa regolatorji stabbli u skemi ta’ sussidju kosteffiċjenti għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli biex jattiraw l-investituri permezz ta’ pjanijiet fit-tul;

28.

itenni t-talba tiegħu għall-ħolqien ta’ Komunità speċifika ta’ Għarfien u Innovazzjoni għall-Ekonomija Blu (7), billi l-iżvilupp tal-ħiliet u t-trasferiment tal-ideat mir-riċerka tal-baħar għas-settur privat għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-enerġija mill-oċeani;

29.

jenfasizza l-ħtieġa li nużaw l-inizjattivi u s-sħubijiet ta’ suċċess eżistenti (8), biex nagħmlu użu sħiħ mill-għarfien żviluppat fil-qafas tal-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET) u l-pilastru tar-riċerka tiegħu, l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija; jiġifieri ninkludu l-atturi tal-Pjan SET, il-Bliet Intelliġenti u l-programm Orizzont 2020 fl-iżvilupp ta’ strateġija lokali u reġjonali tal-enerġija;

30.

jilqa’, għalhekk, l-inklużjoni ta’ żewġ sejħiet separati għas-settur tal-enerġija mill-oċeani fil-programm ta’ ħidma għall-2016-2017 Tkabbir Blu u ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju (LCE) ta’ Orizzont 2020, (LCE 15 “Żieda fis-settur tal-enerġija mill-oċeani għal arranġamenti” u LCE 16 “It-tieni ġenerazzjoni ta’ għodod tad-disinn għal apparati tal-enerġija mill-oċeani u l-iżvilupp u l-użu ta’ arranġamenti”);

31.

jirrimarka dwar il-ħtieġa li jiġi żviluppat taħriġ professjonali għall-ħiliet meħtieġa għall-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ impjanti tal-enerġija mill-oċeani li bħalissa huma f’idejn il-kumpaniji taż-żejt u tal-gass, u jinkoraġġixxi lis-setturi li jaqsmu l-għarfien u jitgħallmu minn xulxin.

Għajnuna mill-Istat

32.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mogħtija f’April 2015 għal skema Portugiża ta’ appoġġ għal proġetti ta’ dimostrazzjoni (50 MW kapaċità installata) li jipproduċu enerġija rinnovabbli mill-oċeani (l-enerġija mill-mewġ, l-enerġija mill-marea) u t-teknoloġiji innovattivi tal-enerġija eolika fuq il-baħar;

33.

jinnota li bosta partijiet interessati jiddeskrivu l-linji gwida tal-2014 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija bħala flessibbli biex jappoġġjaw il-proġetti ta’ dimostrazzjoni f’dan il-qasam;

34.

jitlob biex titwettaq aktar analiżi teknika minn esperti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, b’ħidma mal-Forum tal-Enerġija mill-Oċeani biex jiżguraw li s-sistema ta’ għajnuna mill-Istat tkun sensittiva għall-isfidi partikolari li jiffaċċja dan is-settur, u tippermetti investimenti pubbliċi importanti bħal pereżempju fl-infrastruttura tan-netwerks u proġetti pilota fuq skala kbira fil-fażi prekummerċjali.

Il-Makroreġjun taż-Żona tal-Atlantiku

35.

jitlob biex il-programmi futuri ta’ finanzjament tal-UE li jappoġġjaw il-kooperazzjoni territorjali, inkluż il-Programm Transnazzjonali għaż-Żona tal-Atlantiku, jerġgħu jiġu ffukati fuq l-appoġġ għall-iżvilupp tal-Enerġija mill-Oċeani;

36.

jirrakkomanda li l-iżvilupp ta’ Markoreġjun għaż-Żona tal-Atlantiku ffukat fuq l-iżvilupp tal-Enerġija mill-Oċeani jiġi kkunsidrat sew; dan l-approċċ jipprovdi fulkru għall-ħames Stati Membri u nazzjonijiet/reġjuni fiż-żona biex jikkooperaw, u jista’ jwassal għal Strateġija Marittima Industrijali koerenti għall-Makroreġjun Atlantiku, li jiffoka fuq l-enerġija rinnovabbli u l-konnettività;

37.

jirrakkomanda li jiġu żviluppati strateġiji/teknoloġiji xierqa u speċifiċi, għall-baċiri tal-baħar differenti kollha, li jisfruttaw l-esperjenzi eżistenti u/jew l-iżvilupp ta’ teknoloġiji avvanzati għal reġjuni b’anqas potenzjal tal-enerġija tal-baħar jew potenzjal differenti;

38.

jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2015)6317 “Lejn Pjan Integrat tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET)” u b’mod partikolari r-referenzi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali fil-bord tal-baħar Atlantiku għall-enerġija mill-oċeani, biex jgħinu fil-kisba ulterjuri tat-tnaqqis fl-ispejjeż f’dan il-qasam;

Nindirizzaw l-isfidi finanzjarji

39.

isostni li appoġġ pubbliku sinifikanti, inkluż permezz ta’ sħubijiet pubbliċi privati innovattivi, huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-Enerġija mill-Oċeani;

40.

jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-mekkaniżmi ta’ appoġġ eżistenti tal-BEI (9); madankollu, jenfasizza l-bżonn ta’ strumenti ġodda u innovattivi fil-livell tal-UE li joħolqu ambjent iktar favorevoli għall-appoġġ tal-investimenti fit-teknoloġiji tal-enerġija innovattivi “iktar riskjużi”, b’mod speċjali dawk tal-użu tat-teknoloġija tal-enerġija mill-oċeani;

41.

jilqa’ għalhekk it-tnedija f’Ġunju 2015 tal-Proġetti ġodda ta’ Dimostrazzjoni tal-Enerġija InnovFin mill-BEI u l-Kummissjoni Ewropea, u jistieden lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinkoraġġixxu l-użu ta’ dan il-mekkaniżmu ġdid biex jappoġġjaw proġetti ta’ enerġija mill-oċeani;

42.

jenfasizza l-importanza li jsir investiment fl-interkonnessjonijiet, b’mod partikolari bejn l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom, billi tittejjeb l-infrastruttura tat-trażmissjoni biex tiżdied il-kapaċità tagħhom li jassorbu l-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli, bl-investiment fil-grilji ta’ distribuzzjoni, l-estensjoni tan-netwerks għal żoni remoti kif ukoll l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-grilji intelliġenti;

43.

jistieden lill-BEI u lill-Kummissjoni Ewropea biex jipprijoritizzaw l-użu tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) l-ġdid biex jappoġġja l-investimenti fis-settur tal-Enerġija mill-Oċeani, inkluż billi tingħata ħarsa lejn kif dan il-Fond jista’ jintuża biex jappoġġja l-iżvilupp u l-konnettività tal-grilji;

44.

jilqa’ l-enfasi dejjem tiżdied fuq l-enerġija rinnovabbli mill-ibħra f’għadd ta’ Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3); jilqa’ t-tnedija tal-Pjattaforma ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti Ewropea dwar l-Enerġija, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li din tikkumplementa l-ħidma tal-Forum dwar l-Enerġija mill-Oċeani;

45.

jilqa’ l-inklużjoni fi Programmi Operattivi Reġjonali ta’ prijorità ta’ investimenti f’enerġija tal-ibħra;

46.

jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tar-rabta bejn il-politika tal-UE dwar l-enerġija u l-politika ta’ koeżjoni u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi dettalji dwar il-prijorità mogħtija lill-Enerġija mill-Oċeani fil-Programmi Operattivi Reġjonali għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-2014-2020 u biex tipprovdi analiżi ta’ liema reġjuni qed jagħtu prijorità lill-Enerġija mill-Oċeani fl-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti tagħhom;

47.

jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014 li jġedded il-programm NER300, u jinnota li minn issa ‘l quddiem se jkunu eliġibbli wkoll proġetti fuq skala żgħira (10);

48.

jitlob li jkun hemm prezzijiet ogħla u stabbli għall-emissjonijiet tas-CO2 u approprjazzjonijiet ta’ finanzjament ikbar għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli (innovattivi) taħt l-iskema l-ġdida;

49.

jilqa’ proġetti bħal Ocean Energy ERA-NET, li għandu l-għan li jikkoordina l-attivitajiet bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tar-reġjuni biex jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur, u jistenna bil-ħerqa li jara għadd kbir ta’ proġetti dwar l-Enerġija mill-Oċeani appoġġati mill-programm Orizzont 2020 u programmi oħra bħall-Erasmus +;

50.

itenni t-talba tiegħu biex tingħata prijorità politika ikbar biex jinħolqu sinerġiji bejn il-baġits tal-UE, l-Istati Membri u sottostatali (tal-awtoritajiet lokali u reġjonali) (11) sabiex jappoġġjaw investimenti ewlenin ta’ importanza Ewropea, bħall-Enerġija mill-Oċeani;

Kwistjonijiet dwar l-ambjent u ta’ approvazzjoni

51.

isostni li l-Enerġija mill-Oċeani tista’ tiġi żviluppata b’mod li ssaħħaħ l-ambjent naturali;

52.

jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali, l-organizzazzjonijiet ambjentali u l-NGOs oħra fil-Forum tal-Enerġija mill-Oċeani u inizjattivi strateġiċi oħra fil-livell tal-UE, u jħeġġeġ lill-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-industrija, sabiex jaħdmu bis-sħiħ ma’ dawn il-korpi, biex jiżguraw li din l-industrija tiġi żviluppata b’mod sostenibbli, filwaqt li jnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatt fuq l-ambjent;

53.

jenfasizza r-rwol importanti b’mod kritiku tal-Ippjanar Spazjali Marittimu (ISM) fl-appoġġ tal-iżvilupp tall-industrija tal-Enerġija mill-Oċeani (u mill-ibħra), għaliex dan jipprovdi mekkaniżmu li jiġbor flimkien l-utenti differenti tal-baħar/oċean (is-settur tal-enerġija, it-trasport marittimu, l-akkwakultura, is-sajd, ir-rikreazzjoni u l-konservazzjoni tan-natura) biex jidħlu fi djalogu, jagħmlu skambju ta’ informazzjoni u jieħdu deċiżjonijiet koordinati dwar l-użu tal-ispazji marittimi, li jgħinu biex jiġu evitati kunflitti bejn is-setturi, biex jiżviluppaw sinerġiji u biex jitnaqqsu l-impatti negattivi fuq l-ekosistemi; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali involuti fil-preparazzjoni tal-ISM biex jippjanaw l-iżvilupp tal-Enerġija mill-Oċean f’dan il-proċess;

54.

jenfasizza l-importanza li jkunu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi għall-ippjanar u l-approvazzjoni fil-livell lokali u reġjonali kif ukoll f’dak nazzjonali, u jenfasizza l-prattika tajba rikonoxxuta fl-Iskozja hawnhekk, fejn introduċew programmi ta’ ppjanar marittimu settorjali, ta’ riċerka ambjentali u programmi ta’ monitoraġġ strateġiċi, kif ukoll korp li jservi ta’ punt uniku ta’ servizz ta’ approvazzjoni u gwida dwar l-approvazzjoni;

55.

jenfasizza l-importanza tal-aċċess għad-data u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tnedija tal-operazzjonijiet, u bħala parti minn interess pubbliku aktar wiesa’ fil-fehim tal-ambjent tal-baħar u l-impatt potenzjali ta’ żviluppi fuq l-ekosistema tal-baħar;

56.

jenfasizza l-importanza tal-fehim, il-monitoraġġ u r-riċerka dwar l-ambjent tal-baħar u l-ekoloġija, sabiex jinbena sett ta’ data aktar komprensiv minn dak li jeżisti bħalissa, inkluż it-twettiq ta’ studji tal-impatt ambjentali estensivi, bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema biex jikkunsidraw il-bijodiversità ospitata f’dawn ir-reġjuni, u jikkwantifikaw l-effetti potenzjali ta’ tagħmir fuq l-ambjent tal-baħar.

Sensibilizzazzjoni u komunikazzjoni

57.

jemmen li l-komunikazzjoni tal-benefiċċji u l-potenzjal tal-Enerġija mill-Oċeani, għandha tkun prijorità ewlenija biex jintrebħu “l-qlub u l-imħuħ” taċ-ċittadini tal-UE;

58.

jenfasizza l-importanza tad-djalogu u l-komunikazzjoni mal-partijiet interessati kollha, inklużi s-sajjieda, is-settur tal-akkwakultura, u utenti oħra marittimi u tal-baħar;

59.

jenfasizza r-rwol li l-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tar-Reġjuni jista’ jkollhom fis-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar l-Enerġija mill-Oċeani, pereżempju permezz tal-Ġimgħa għall-Enerġija Sostenibbli, il-ġimgħa tal-Open Days tar-Reġjuni u l-Bliet, il-Patt tas-Sindki, u potenzjalment permezz tat-twaqqif ta’ skemi ġodda.

Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  ĠU C 62, 2.3.2013, p. 47. Ara pereżempju it-Tidal Lagoon proposta fi Swansea Bay.

(2)  Proġett SI Ocean

(3)  Demostrazzjoni tal-konvertituri tal-enerġija mill-oċeani: pereżempju, il-Gżejjer Kanarji, La Réunion u Martinique.

(4)  Sors: Ocean Energy Europe.

(5)  Pereżempju, il-Proġett ta’ Meygen.

(6)  ENVE-VI-001.

(7)  ĠU C 19, 21.1.2015, p. 24.

(8)  Programmi konġunti, JPI Oceans, SI Oceans, Seas-ERA, Ocean Energy ERA-NET.

(9)  Programmi konġunti tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-BEI: il-Fond Ewropew 2020 għall-Enerġija, it-Tibdil fil-Klima u l-Infrastruttura, il-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli u l-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika, il-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (Pjan SET).

(10)  Il-Programm NER 300 jappoġġja d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji għall-qbid u l-ħażna tal-karbonju ambjentalment siguri u t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli innovattivi.

(11)  ĠU C 62, 2.3.2013, p. 32.


17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/64


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija

(2015/C 423/12)

Relatur:

Is-Sur Pascal MANGIN (FR/PPE), Membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Alsace

Dokumenti ta’ referenza:

Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem

(COM(2015) 80 final)

u

Il-ksib tal-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020

(COM(2015) 82 final)

I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Messaġġi prinċipali

1.

jenfasizza li biex jinkisbu l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiżguraw infurzar strett tal-leġiżlazzjoni eżistenti fl-oqsma tas-suq intern u l-politiki tal-enerġija u tal-klima;

2.

ifakkar li l-enerġija kienet element fundamentali tal-kostruzzjoni Ewropea (it-Trattat ta’ Pariġi, 1951, it-Trattat Euratom tal-25 ta’ Marzu 1957); jinnota li l-għażla bejn is-sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista għadhom prerogattivi tal-Istati Membri (Artikolu 194 tat-TUE), iżda jenfasizza li hija meħtieġa koordinazzjoni aktar b’saħħitha fil-livell tal-UE biex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq tal-enerġija, issaħħaħ il-kompetizzjoni u tiżgura t-tranżizzjoni lejn provvista tal-enerġija sostenibbli u sigura għat-territorji kollha fl-Unjoni Ewropea;

3.

jinnota li l-Unjoni tal-Enerġija tikkonsisti f’ħames dimensjonijiet indaqs, f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Marzu 2015;

4.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-pakkett mhux leġiżlattiv “Unjoni tal-Enerġija” li jirrappreżenta progress reali lejn suq tal-enerġija aktar integrat bejn l-Istati Membri kif ukoll qafas għal dibattitu usa’ dwar kwistjonijiet ċentrali attwali tal-politika tal-enerġija, elementi li l-Kumitat tar-Reġjuni diġà indirizza fil-ħidma politika tiegħu u fl-Opinjonijiet reċenti tiegħu dwar l-enerġija sostenibbli, l-enerġija bi prezzijiet affordabbli u kompetittivi u s-sigurtà tal-provvista;

5.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fil-proposti leġiżlattivi futuri dwar l-Unjoni tal-Enerġija;

6.

ifakkar dwar il-piż tal-importazzjoni tal-enerġija fil-bilanċ kummerċjali tal-UE u d-dipendenza dejjem tikber tagħha minn pajjiżi terzi;

7.

għalhekk, b’rabta ma’ dak li ntqal qabel, jitlob għat-tnedija ta’ inizjattivi regolatorji u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ infrastruttura li jindirizzaw b’mod effettiv il-problema tad-dipendenza eċċessiva tal-Istati Membri tal-UE mill-importazzjoni minn fornituri speċifiċi;

8.

ifakkar li s-sistema Ewropea tal-elettriku bħalissa għaddejja minn tranżizzjoni. Ġeneralment għandha kapaċità żejda, minħabba l-emerġenza tal-enerġija rinnovabbli intermittenti li titlob iżjed enerġija tal-ibbilanċjar u l-ħtieġa li jiġu sostitwiti bosta impjanti tal-elettriku qodma, iżda fl-istess ħin, is-sigurtà tal-provvista tagħti lok għal xi tħassib li jeħtieġ soluzzjoni malajr;

9.

jinnota li ż-żieda fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli wasslet għal tnaqqis fil-prezzijiet tas-suq tal-operaturi Ewropej u fil-profittabilità tal-mezzi ta’ produzzjoni storiċi li, paradossalment, wasslet, f’ċerti każijiet, għall-ftuħ mill-ġdid ta’ impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam u, konsegwentement, għal żieda fl-emissjonijiet tas-CO2; jagħraf li din is-sitwazzjoni ġejja, fost affarijiet oħra, min-nuqqas ta’ mekkaniżmu biżżejjed biex jippromovi l-investimenti li jistgħu jrendu s-sistema iżjed effiċjenti u sostenibbli;

10.

fid-dokumenti ppreżentati bilkemm isib indikazzjoni dwar kif għandha tissolva waħda mill-problemi ċentrali tal-użu tal-enerġija, jiġifieri kif jistal-investiment fuq perjodu twil ta’ żmien twil jiġi rikonċiljat mal-volatilità għolja minħabba l-ftuħ tas-suq. Dan pereżempju jikkonċerna l-impjanti idrawliċi u tal-ippumpjar bl-istess mod bħall-impjantimoderni u effettivi ħafna ta’ koġenerazzjoni mħaddma bil-gass u l-impjanti bi produzzjoni mħallta ta’ gass u fwar;

11.

jenfasizza li s-suq tal-elettriku qed jaffaċċja sfidi kbar, bil-prezzijiet tas-suq bl-ingrossa bi tnaqqis kostanti, li ma jirriflettix l-ispejjeż kollha meħtieġa għall-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura; jenfasizza wkoll li dan is-suq għandu jibni fuq ir-riżorsi u l-infrastruttura eżistenti fl-Istati Membri differenti filwaqt li jqis li xi atturi tas-suq huma preżenti f’ għadd ta’ pajjiżi, jiġifieri fuq skala Ewropea;

12.

jinnota li l-prezz aħħari tal-elettriku qed jiżdied għaċ-ċittadini Ewropej, minħabba l-ħtieġa kbira ta’ investiment, taxxi ogħla, skemi ta’ appoġġ pubbliku favur l-enerġija rinnovabbli u sorsi oħra ta’ enerġija alternattiva, kif ukoll l-ipprezzar ta’ monopolju għall-konsumatur, iżda wkoll minħabba s-sussidji moħbija għall-enerġija mill-fjuwils fossili jew forom oħra ta’ enerġija mhux rinnovabbli;

13.

iqis li huwa essenzjali li jkun hemm rabta bejn il-politika tal-UE għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-politika tal-enerġija u jfakkar li l-funzjonament tajjeb tas-suq tal-karbonju, li jwassal għal prezz reali ta’ CO2, flimkien ma’ fokus qawwi fuq l-iżvilupp ta’ teknoloġiji nodfa, huma l-aktar strumenti effiċjenti sabiex jintlaħaq l-investiment mixtieq f’ekonomija ekoloġika b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju;

14.

jisħaq fuq il-ħtieġa li jintemm ix-“xiri tas-sussidji” permezz tal-internalizzazzjoni totali tal-ispejjeż tal-enerġija u t-tnaqqis tal-iżbilanċ bejn l-iskemi ta’ appoġġ u s-sussidji differenti; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tippubblika linji gwida u rakkomandazzjonijiet biex jiġu armonizzati l-iskemi ta’ appoġġ, is-sussidji u l-inċentivi fiskali differenti madwar l-UE;

15.

jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-possibbiltà li r-riskji u l-iżvantaġġi oġġettivi tal-enerġija nukleari jkunu kompletament moħbija. Meta wieħed jisħaq li l-UE hija “fuq quddiem nett” fil-“ġenerazzjoni nukleari dinjija l-iktar sikura”, tkun qiegħda tiġi ssuġġerita sigurtà allegata, filwaqt li ma jissemmewx il-perikli tal-enerġija nukleari. Anke d-dikjarazzjoni li l-UE trid tieħu ħsieb li jkunu osservati l-ogħla standards għar-rimi tal-iskart tissuġġerixxi li jeżisti tabilħaqq rimi ta’ skart nukleari. Madankollu, skont il-livell ta’ żvilupp attwali tat-teknoloġija huwa biss possibbli l-ħżin tal-iskart nukleari; ma ssir l-ebda eliminazzjoni fir-realtà. Għaldaqstant, il-problema tar-rimi hija sempliċement posposta, iżda bl-ebda mod ma hija solvuta;

16.

jiddispjaċih li l-enerġija nukleari qiegħda tiġi rappreżentata b’mod partikolarment żbilanċjat u evalwata b’mod mhux xieraq f’dawl pożittiv kif ukoll fil-biċċa l-kbira ma tiġix ikkritikata. F’għadd ta’ partijiet tat-test jintuża t-terminu “b’livell baxx ta’ karbonju” bħala kelma li tikkostitwixxi kodiċi għall-enerġija nukleari; li kieku dan it-terminu jrid ifisser qabel xejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, kieku kienet tintuża l-frażi “enerġija rinnovabbli b’livell baxx ta’ karbonju”. Qed tinħoloq l-impressjoni li l-enerġija nukleari hija mezz neċessarju għad-dekarbonizzazzjoni; permezz ta’ din ir-rabta bejn it-tnaqqis tal-karbonju u l-enerġija nukleari, b’mod fattwali qed issir allegazzjoni problematika fir-rigward tal-libertà tal-għażla tal-enerġija tal-Istati Membri deskritta hawn fuq;

17.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta għar-riforma tal-iskema għan-negozjar tal-emissjonijiet (ETS) u jenfasizza li l-Unjoni tal-Enerġija għandha tmur id f’id ma’ ETS imtejba peress li skema bħal din li tiffunzjona ħażin twassal għall-frammentazzjoni tas-suq intern u d-distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u b’hekk immorru lura għall-miżuri nazzjonali;

18.

jikkunsidra li l-politika tal-enerġija Ewropea hija għodda importanti għall-koeżjoni territorjali fil-livell tal-UE billi tikkunsidra l-iżvantaġġi u l-vantaġġi tat-territorji differenti u li l-kombinazzjoni tal-punti b’saħħithom u ta’ dawk dgħajfa ta’ kull wieħed għandha twassal għal titjib għal kulħadd; jenfasizza b’mod partikolari li t-tranżizzjoni għal enerġija sostenibbli b’livell baxx ta’ karbonju toffri potenzjal enormi għall-iżvilupp f’ħafna reġjuni, mhux l-inqas fir-reġjuni li bħalissa għadhom lura, iżda li jistgħu jkunu għonja fis-sorsi ta’ enerġija sostenibbli bħax-xemx jew ir-riħ;

19.

jesprimi r-rieda tiegħu li jkun involut bħala msieħeb istituzzjonali fid-dibattitu dwar l-Unjoni tal-Enerġija li għadu kif ġie varat, u jkun kapaċi jikkontribwixxi b’rakkomandazzjonijiet ta’ politika għall-ħidma tal-istituzzjonijiet l-oħra, inkluż dwar il-leġiżlazzjoni u dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija;

20.

jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ suq komuni tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea;

21.

jinnota wkoll ir-rwol speċifiku assenjat lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija dwar l-isforzi mitluba fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini, u jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni biex jitjiebu l-kundizzjonijiet qafas għall-finanzjament ta’ proġetti fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, inkluż fil-livell lokali u reġjonali;

22.

jitlob li jkun involut aktar mill-qrib fil-ħidma tal-Kummissjoni b’mod speċifiku rigward it-twaqqif ta’ inizjattiva ġdida dwar “finanzjament għal bini intelliġenti” u rigward il-miżuri għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ bini eżistenti;

23.

jinnota b’dispjaċir, madankollu, in-nuqqas ta’ referenza għall-awtoritajiet lokali fl-oqsma ewlenin tal-“Pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija”, jiġifieri s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-innovazzjoni u t-teknoloġija, is-sigurtà tal-provvista u r-relazzjonijiet esterni, u jitlob involviment akbar tal-Kumitat tar-Reġjuni u kif ukoll kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politiki tiegħu matul il-proċess tat-tħejjija tal-leġiżlazzjoni ġdida mill-Kummissjoni stipulata fil-pakkett dwar l-“Unjoni tal-Enerġija”;

24.

ifakkar li s-suċċess tal-Unjoni tal-Enerġija ser jitkejjel skont il-valur miżjud tagħha li jirrigwarda l-iżgurar tal-flussi liberi tal-enerġija, is-sigurtà tal-enerġija u t-trasparenza tas-settur tal-enerġija bi prezzijiet kompetittivi u affordabbli. Dan għaliex din hija l-kundizzjoni fundamentali għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija bil-għan li tinħoloq din l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet li hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet marbutin mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura huma l-pedamenti tal-Unjoni tal-Enerġija u għaldaqstant il-miżuri l-oħra kollha tagħna għall-ħolqien tal-Unjoni tal-Enerġija għandhom ikunu mmirati lejn it-tisħiħ ta’ dawn l-aspetti ċentrali;

25.

ifakkar fl-importanza tas-sjieda politika fil-livelli kollha għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-politiki Ewropej, u jenfasizza li t-twettiq ta’ din il-viżjoni ambizzjuża tal-Unjoni tal-Enerġija se teħtieġ impenn qawwi mill-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, il-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-intrapriżi u ċ-ċittadini, kull wieħed fuq il-livell tiegħu/tagħha stess u skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom;

26.

jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali bħala atturi ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija, b’mod partikolari fir-rigward tal-iffrankar tal-enerġija fis-settur tat-trasport urban u interurban, l-istrateġiji ta’ komunikazzjoni interreġjonali, l-infrastruttura tal-enerġija transkonfinali, il-kooperazzjoni dwar it-teknoloġiji ġodda għall-ħżin, il-kofinanzjament ta’ binjiet pubbliċi intelliġenti u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-adozzjoni tal-liġijiet dwar ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, u l-użu tal-Fondi SEI għal kooperazzjoni transkonfinali fir-rigward tal-enerġiji rinnovabbli. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkollhom infrastrutturi ta’ produzzjoni u f’dan is-sens ikunu produtturi tal-enerġija;

27.

jenfasizza li l-Patt tas-Sindki huwa eżempju tajjeb tal-kontribut tal-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni ta’ politika tal-enerġija sostenibbli; ifakkar li l-Kumitat tar-Reġjuni appoġġja b’mod qawwi din l-inizjattiva u jemmen li għandha tkun promossa aħjar bħala mezz tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-miri tal-enerġija tal-UE fil-programm Orizzont 2030; jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-Patt tas-Sindki sal-2030, sabiex jingħaqdu firmatarji ġodda; jitlob ukoll li jitħeġġu dawk l-inizjattivi lokali u reġjonali li ma jaqgħux taħt din l-iskema iżda li rnexxielhom jiksbu riżultati ambizzjużi, bħall-Eurocities u l-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej;

Dwar l-għanijiet ambizzjużi għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli fil-programm Orizzont 2030:

It-tisħiħ tal-appoġġ għal-livell reġjonali u lokali

28.

jinnota li għandhom jissaħħu jew jiġu stabbiliti strutturi internazzjonali, nazzjonali u reġjonali bħala appoġġ għall-azzjoni reġjonali u lokali fil-qasam tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima. Dan jista’ jsir kemm fil-qafas tal-Patt tas-Sindki kif ukoll lil hinn minnu, permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-aġenziji reġjonali tal-enerġija, eċċ.;

29.

jenfasizza li l-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri hija waħda mill-aktar fatturi importanti fil-ħolqien ta’ suq tal-enerġija tal-UE li jiffunzjona bis-sħiħ u jkun magħqud, u Unjoni tal-Enerġija; il-kooperazzjoni reġjonali għandha tkompli tissaħħaħ u għandha titqiegħed fuq livell ogħla, speċjalemnt biex jinkisbu prijoritajiet politiċi ogħla u sabiex Unjoni tal-Enerġija ġenwina tiffunzjona b’tali mod li tiżgura l-integrazzjoni reġjonali;

30.

ifakkar li l-miżuri tal-UE m’għandhomx ikunu mmirati biss lejn bliet kbar peress li madwar 56 % tal-bliet tal-UE huma żgħar u ta’ daqs medju b’popolazzjoni ta’ bejn 5  000 u 1 00  000 u għandhom effett kumulattiv qawwi;

31.

jipproponi għalhekk, pereżempju, li jkun hemm il-ħsieb li jinħoloq forum territorjali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE, u f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Patt tas-Sindki, li jkun appoġġjat mill-Kumitat tar-Reġjuni, inkluża sezzjoni ddedikata għall-Unjoni tal-Enerġija, li jgħin biex ixerred il-prattiki tajbin u r-riċerka fil-qasam tal-enerġija, li jkun jista’ jgħin biex jippromovi metodi biex jinkiseb l-appoġġ taċ-ċittadini u biex dawn jaċċettaw il-proġetti relatati mat-tranżizzjoni tal-enerġija, u informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ finanzjament;

32.

huwa tal-fehma li għandha tittieħed azzjoni fil-livell lokali u reġjonali mmirata lejn id-diversifikazzjoni tal-provvedituri tal-enerġija, is-sorsi u r-rotot tal-provvista tal-materja prima. Għalhekk, huwa importanti li jiġu implimentati proġetti ta’ interess komuni (PCI), anke fil-livell lokali u reġjonali, billi jiġu semplifikati l-proċeduri, il-liċenzjar, eċċ;

33.

jappella biex jitqiesu l-fehmiet tar-reġjuni involuti fil-proċess ta’ konsultazzjoni tal-PCI;

Inqisu l-isforzi u l-kontribut tal-awtoritajiet lokali

34.

itenni li l-awtoritajiet lokali ta’ spiss jimplimentaw għanijiet aktar ambizzjużi minn dawk meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE fuq bażi volontarja;

35.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi volontarji ta’ aggregazzjoni tad-domanda (xiri komuni) u li jiġu identifikati l-prattiki tajbin f’dan il-qasam fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (xiri komuni tal-enerġija mis-sħana);

36.

jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-prattiki tajba u tikkunsidrahom fil-verżjoni leġiżlattiva tal-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija;

37.

jipproponi li, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Patt tas-Sindki u mal-Kummissjoni, ikun hemm forum territorjali li jgħin f’din il-missjoni; huwa jkun jista’ jlaqqa’ flimkien l-impenji tal-awtoritajiet lokali, jagħtihom il-viżibbiltà meħtieġa u jiggarantixxi l-kompatibbiltà u s-serjetà tagħhom;

Insaħħu u nkabbru l-azzjoni tal-Patt tas-Sindki

38.

ifakkar fl-approċċ f’diversi livelli, li ġie applikat b’suċċess fil-Patt tas-Sindki, u li għandu jissaħħaħ u jiġi ttrasferit għal oqsma oħra ta’ azzjoni fil-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija;

39.

ifakkar li l-Kumitat tar-Reġjuni huwa lest li jikkontribwixxi għad-definizzjoni tal-istrateġija tal-Patt tas-Sindki għal wara l-2020;

40.

jenfasizza l-importanza tal-iskambju ta’ data dwar l-enerġija fil-qafas leġiżlattiv tal-Istati Membri u, possibbilment, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni futura tal-Komunità, bejn l-imsieħba ewlenin tas-settur tal-enerġija involuti fl-iżvilupp, il-ġestjoni u l-isfruttament ta’ proġetti u ta’ kumpaniji tad-distribuzzjoni tal-enerġija fil-livell lokali u reġjonali, inklużi l-aġenziji, tal-enerġija, l-operaturi tan-netwerks, l-osservatorji u l-intrapriżi, sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw u jimplimentaw pjani ta’ azzjoni għall-enerġija sostenibbli u jiżguraw is-segwitu tagħhom, bl-użu ta’ data tal-enerġija lokali biex jiġi kkalkulat l-inventarju ta’ bażi tal-emissjonijiet;

Stedina biex ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jsiru laboratorji reali tat-tranżizzjoni tal-enerġija

41.

jirrikonoxxi n-natura speċifika tat-territorji ultraperiferiċi, li spiss mhumiex interkonnessi u jiddependu wisq mill-produzzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-karbonju li tqum ħafna flus, filwaqt li dawn għandhom potenzjal għoli fil-qasam tal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli;

42.

jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja proġetti innovattivi fir-reġjuni ultraperiferiċi sabiex dawn isiru laboratorji reali tat-tranżizzjoni tal-enerġija;

Rigward il-finanzjament ta’ proġetti dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija sostenibbli fil-livell lokali u reġjonali:

Niżguraw strumenti finanzjarji effiċjenti

43.

jikkonferma li l-prijorità tiegħu hija l-kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet regolatorji u finanzjarji għall-investimenti lokali u reġjonali fil-qasam tal-enerġija sostenibbli; jenfasizza l-importanza tal-inizjattivi ta’ suċċess tal-BEI kif ukoll l-importanza li titkompla l-kooperazzjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ finanzjament;

44.

jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu promossi strumenti finanzjarji partikolarment favur l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju u l-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-bini u tat-trasport, inkluż fil-livell lokali, bħall-inizjattiva futura tal-Kummissjoni “finanzjament għal bini intelliġenti”, li l-Kumitat tar-Reġjuni iqis bħala inizjattiva ewlenija;

45.

jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika u tisfrutta l-prattiki tajbin fil-livell lokali sabiex tappoġġja l-azzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika tal-bini, kif ukoll bil-ħsieb li tiżviluppa mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi u effikaċi fil-qafas tal-fondi tal-BERŻ, tal-BEI u ta’ programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE, u biex toħloq sinerġiji bejniethom; f’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jiffoka fuq it-titjib tal-effiċjenza tal-involukru tal-bini u biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija permezz ta’ soluzzjonijiet lokali u kollettivi bħas-sistemi ta’ tisħin u tkessiħ urbani;

46.

f’dan il-kuntest jitlob li l-fondi u l-istrumenti finanzjarji tal-UE u l-BEI jappoġġjaw mhux biss il-proġetti ta’ infrastruttura kbar iżda wkoll il-proġetti fuq skala iżgħar li huma ta’ siwi għall-komunitajiet lokali;

47.

jenfasizza li, f’ħafna każijiet, dawn il-politiki se jiddependu mill-mobilizzazzjoni ta’ fondi privati. Sabiex jinkiseb dan, l-ambjent regolatorju ser ikun armonizzat u sikur filwaqt li jippermetti l-iżvilupp tal-innovazzjoni biex joffri lill-konsumaturi sistema aktar intelliġenti u servizzi ta’ kwalità aħjar u orħos;

48.

jinnota b’mod kritiku li l-investiment pubbliku fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli jsir ħafna iktar diffiċli li kieku l-pjani tal-Kummissjoni Ewropea kellhom jitwettqu. Il-mira ambizzjuża li l-proporzjon ta’ enerġija rinnovabbli jiżdied għal mill-inqas 27 % sal-2030 fl-UE kollha bilkemm tista’ tintlaħaq biss permezz tal-appoġġ ta’ mekkaniżmi bbażati fuq is-suq, li ma jistgħux joħolqu distorsjonijiet fis-suq intern tal-enerġija, peress li b’dan il-mod il-livell ta’ flessibbiltà tal-Istati Membri kif ukoll tal-livell reġjonali u lokali jkun konsiderevolment ristrett;

49.

jitlob sabiex l-użu u l-promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jibqgħu jkunu possibbli fl-Istati Membri kollha, iċ-ċentralizzazzjoni b’kontroll mal-Unjoni kollha jkollha l-konsegwenza li ħafna mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma jkunux jistgħu jiġu promossi iktar fi wħud mill-Istati Membri, u dan iżid b’mod konsiderevoli l-ħtieġa għall-interkonnessjoni. L-enerġija rinnovabbli reġjonali m’għandhiex tkun żvantaġġata;

50.

jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-linji gwida l-ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat ma joħolqux piż addizzjonali għall-proġetti lokali u reġjonali dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew għall-mudelli lokali mibnija madwar in-netwerks intelliġenti u l-ħżin, u li ma jkunux jistgħu jifilħu kompetizzjoni minn operaturi kbar;

Dwar l-enfasi fuq il-konsumaturi fis-suq intern tal-enerġija:

51.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija”, li tkopri oqsma kkunsidrati essenzjali mill-Kumitat tar-Reġjuni, speċjalment il-parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi fis-sistema tal-enerġija; ifakkar li anke l-kwistjoni tal-faqar enerġetiku u l-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli għandhom bżonn ikunu indirizzati fil-livell tal-UE;

Il-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija biex jonqos il-konsum tal-enerġija

52.

jirrikonoxxi li l-għan tal-Unjoni Ewropea li tuża l-potenzjal tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fis-settur tal-bini huwa essenzjali. Il-miżuri f’dan il-qasam għandhom inaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tal-okkupanti tal-bini filwaqt li jnaqqsu wkoll il-marka tal-karbonju tal-UE u d-dipendenza tagħha mill-importazzjonijiet tal-enerġija;

53.

ifakkar li l-appoġġ għall-iżolazzjoni għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tad-djar jista’ jkun miżura importanti għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku u jiżviluppa l-impjiegi fil-livell lokali;

54.

jenfasizza li din il-politika ma tistax tipproduċi l-effett sħiħ tagħha jekk ma tkunx eżerċitata fuq skala kbira;

55.

ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-effiċjenza ta’ din il-miżura hija bbażata kemm fuq l-għanijiet ta’ rendiment enerġetiku għoli kif ukoll fuq il-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u l-okkupanti;

Niżguraw regolamentazzjoni effettiva biex nipproteġu l-konsumaturi

56.

jenfasizza li r-regolamentazzjoni hija element ewlieni għall-funzjonament tas-suq tal-enerġija u l-istabbiliment ta’ prezz gwida huwa essenzjali għall-aħjar post tal-infrastruttura u tal-mezzi ta’ produzzjoni, kif ukoll biex tippermetti azzjonijiet konġunti bl-għan li jsir l-aqwa użu mill-ispejjeż tal-utenti tal-enerġija. barra minn hekk, ikun utli li tiġi żgurata t-trasparenza tal-kundizzjonijiet li taħthom issir il-kompetizzjoni billi t-tariffi tal-enerġija jiġu kklassifikati skont l-aspetti differenti tagħhom għall-finijiet ta’ paragun;

57.

jinnota li, mill-perspettiva tal-konsumatur huwa kruċjali li tiġi żgurata t-trasparenza fil-funzjonament tas-swieq tal-gass u l-elettriku fl-Unjoni Ewropea. L-istrumenti disponibbli f’dan il-qasam taħt ir-Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa (REMIT) għandhom jintużaw b’mod adatt. F’dan il-kuntest, il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti lill-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) l-approprjazzjonijiet korrispondenti mill-baġit tal-2016, biex twettaq dan il-kompitu;

58.

jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tal-inizjattivi leġiżlattivi ppjanati, tressaq mekkaniżmu effettiv għall-iskrutinju ex ante tal-ftehimiet u l-kuntratti kummerċjali f’livell dinji, sabiex tkun żgurata l-kompatibilità tagħhom mal-liġi tal-UE u l-prijoritajiet definiti biex tiġi żgurata l-indipendenza tagħha f’dak li jirrigwarda l-enerġija;

59.

fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jieħu nota tal-ħtieġa li tittejjeb it-trasparenza tas-suq bħala parti mir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass;

60.

ifakkar li s-settur tal-enerġija huwa intensiv fl-użu tal-kapital, li jimplika stabbiltà regolatorja fit-tul;

61.

jinnota li ż-żieda fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, min-natura tagħha iktar mifruxa, timplika dispersjoni tal-postijiet ta’ produzzjoni u għalhekk l-involviment qawwi tal-awtoritajiet lokali; B’mod partikolari, din ser issaħħaħ il-produzzjoni tal-enerġija fi ħdan l-UE;

62.

jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tħeġġeġ lir-regolaturi nazzjonali jinkorporaw fihom rappreżentant tal-awtoritajiet lokali;

63.

jitlob li l-ACER ikollha fi ħdanha rappreżentant tal-awtoritajiet lokali li jista’ jiġi nnominat mill-Kumitat tar-Reġjuni;

Il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku: prijorità fil-livell Ewropew

64.

jiddeplora ż-żieda fil-faqar enerġetiku, jiġifieri s-sitwazzjoni ta’ persuni li ma jistax ikollhom aċċess normali u regolari għar-riżorsi tal-enerġija meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom fi djarhom, kif ukoll għall-ivvjaġġar tagħhom;

65.

jipproponi li titfassal definizzjoni tal-faqar enerġetiku li tqis l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri kollha u li jiġu definiti indikaturi Ewropej biex jidentifikaw u jindirizzaw il-problema;

66.

jipproponi li l-forum territorjali jorganizza laqgħat regolari biex jiddiskuti l-faqar enerġetiku, għall-promozzjoni tal-inizjattivi lokali, nazzjonali u Ewropej u għall-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet prattiċi għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-politika, fl-assoċjazzjonijiet u fl-industrija;

67.

iqis li l-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku għandha tkun ir-riżultat ta’ politiki fl-oqsma tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tat-trasport, b’mod partikolari permezz ta’ azzjoni mmirata fuq unitajiet domestiċi bi dħul baxx, kif ukoll dawk edukattivi u soċjali;

68.

iqis li l-indirizzar tal-aktar każijiet diffiċli jitlob approċċ komprensiv għall-problema li jista’ jinkludi miżuri tal-politika soċjali, appoġġ finanzjarju dirett, inizjattivi ta’ informazzjoni u konsulenza, iżda wkoll aktar miżuri fit-tul għall-politika dwar l-enerġija;

Netwerks u miters intelliġenti: għodod għas-servizz tal-konsumatur

69.

jenfasizza l-ħtieġa li l-iżvilupp ta’ sistema intelliġenti jsir iktar malajr, kemm fil-livell tan-netwerk kif ukoll dak tal-produttur/il-konsumatur, biex tiġi ottimizzata s-sistema kollha u l-implimentazzjoni ta’ miters intelliġenti bħala fattur ewlieni ta’ tmexxija ottimizzata tad-domanda bl-involviment attiv tal-konsumatur; ifakkar fil-ħtieġa li jkunu indirizzati kwistjonijiet marbutin mal-protezzjoni u s-sigurtà tad-data f’dan il-kuntest;

Dwar l-infrastruttura tal-enerġija: l-interkonnessjoni neċessarja ta’ xi Stati

70.

jirrikonoxxi l-importanza strateġika ta’ suq intern tal-enerġija integrat bis-sħiħ b’konnessjoni tal-gass u l-elettriku madwar l-UE kollha; jaqbel li huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-infrastruttura eżistenti tintuża bl-aqwa mod possibbli qabel ma tinvesti f’infrastruttura ġdida, u li investiment fl-intelliġenza tan-netwerk u tas-sistema huwa tal-ogħla prijorità;

71.

jenfasizza l-importanza ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija u jitlob li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi involut fil-ħidma tal-Forum għall-Infrastruttura tal-Enerġija;

72.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ investiment f’infrastruttura tal-enerġija reżiljenti sabiex jitnaqqas ir-riskju assoċjat ma’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem. Ifakkar li huwa aktar kosteffettiv li jinbnew infrastrutturi reżiljenti milli jiġu mmodifikati dawk diġà eżistenti;

73.

ifakkar, madanakollu, li l-infrastruttura, billi hija ffinanzjata mill-konsumatur, għandha tkun ibbażata fuq analiżi fid-dettall tal-ispejjeż u l-benefiċċji u fuq sforzi reali biex jinfurmaw u jinvolvu liċ-ċittadini sabiex jiġi żgurat appoġġ pubbliku wiesa’ għal dawn l-investimenti f’tul ta’ żmien raġonevoli;

74.

sabiex tiġi żgurata l-effettività massima tal-mekkaniżmi ta’ solidarjetà skont ir-Regolament dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass, jipproponi l-introduzzjoni obbligatorja ta’ pjani ta’ prevenzjoni transkonfinali u pjani ta’ rispons f’każ ta’ emerġenza. id-definizzjonijiet ta’ “klijenti protetti” fis-sens tar-Regolament imsemmi għandhom jiġu armonizzati sabiex ma jkunx hemm limitu fuq il-possibbiltajiet għall-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri f’każ ta’ kriżi fil-provvista tal-gass;

Nirrikonoxxu l-kontribut tal-awtoritajiet lokali biex jiżguraw is-sigurtà tan-netwerk tal-elettriku

75.

jinnota li l-awtoritajiet lokali huma importanti biex jiżguraw il-ħtiġijiet ta’ produzzjoni tal-enerġija billi jipprovdu l-aħjar post possibbli għall-mezzi ta’ produzzjoni, b’mod partikolari billi jiġi kkunsidrat il-potenzjal tal-enerġija fil-livell lokali;

76.

jemmen li l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli, il-mezzi tat-trasport li ma jniġġsux (soft transport), il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija eżistenti, il-bini ta’ impjanti tal-enerġija intelliġenti, il-qbid tal-karbonju u l-ħżin tal-enerġija għandha tiġi promossa wkoll fil-livell lokali;

77.

jipproponi li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Unjoni Ewropea tista’ tħeġġeġ it-tfassil ta’ skemi ta’ żvilupp ta’ sistema enerġetika stabbiliti tal-inqas fil-livell reġjonali u li l-koerenza tagħhom trid tkun issorveljata fil-livell Ewropew;

Nibdlu ż-żoni transkonfinali f’laboratorji tal-Unjoni tal-Enerġija

78.

jiddispjaċih li bħala riżultat tal-“effett fruntiera” u d-diversità tal-liġijiet nazzjonali, ħafna żoni transkonfinali ta’ spiss ikunu żvantaġġati jew ma jkunux jistgħu jużaw b’mod sħiħ il-potenzjal tal-enerġija tagħhom għal soluzzjonijiet ta’ enerġija innovattivi u sostenibbli u għaldaqstant jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tippromovi approċċi reġjonali volontarji li jegħlbu l-“effett fruntiera” negattiv;

79.

jistieden lill-UE tappoġġja, fejn meħtieġ, oqfsa leġiżlattivi u regolatorji bħar-REKT kapaċi li jippromovu l-interkonnessjoni bejn in-netwerks ta’ distribuzzjoni fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera u jottimizzaw l-integrazzjoni tal-enerġija;

80.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tissorvelja u tippromovi b’mod speċifiku l-proġetti ta’ kooperazzjoni reġjonali marbuta mad-distribuzzjoni;

81.

jipproponi li dejjem ikun hemm bilanċ tajjeb bejn in-nefqa tal-UE fuq l-infrastruttura transkonfinali u r-rispons għall-ħtiġijiet lokali, sabiex tiġi integrata aħjar fin-netwerk l-enerġija rinnovabbli prodotta lokalment biex jiġu żviluppati fl-istess ħin in-netwerks ta’ distribuzzjoni intelliġenti;

Dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni: l-innovazzjoni, lieva tat-tranżizzjoni tal-enerġija u portatriċi tal-impjiegi

82.

jirrikonoxxi r-rwol strateġiku tar-riċerka u tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji tal-enerġija għas-suċċess tad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE biex b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet;

83.

jenfasizza li t-twaqqif ta’ setturi industrijali b’kontenut teknoloġiku qawwi li jippromovu l-ġestjoni attiva tad-domanda, l-użu intelliġenti tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, b’kollaborazzjoni mill-qrib maċ-ċentri ta’ riċerka u l-universitajiet, għandu jkun prijorità għall-Unjoni tal-Enerġija; jemmen ukoll li għandha tingħata prijorità lill-innovazzjonijiet fis-setturi industrijali li għandhom l-ogħla konsum tal-enerġija;

84.

huwa tal-fehma li din it-tranżizzjoni, jekk tintlaħaq iktar malajr, tista’ tirrappreżenta s-sors primarju għall-kompetittività enerġetika, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u għal impjiegi li ma jistgħux jiġu rilokati;

85.

iqis li, fil-qasam tal-impjieg u l-innovazzjoni, l-awtoritajiet lokali għandhom effett qawwi ta’ lieva biex jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli u titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tal-politiki tagħhom dwar il-bini, id-djar, il-mobilità u l-ippjanar tal-użu tal-art, iżda wkoll permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

86.

jesprimi x-xewqa tiegħu li jaħdem mad-DĠ ENER u d-DĠ REGIO u maċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka sabiex jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ rabtiet u sinerġiji aħjar bejn il-politiki u programmi ta’ finanzjament tal-UE sabiex jottimizzaw l-isforzi reġjonali u lokali ta’ investimenti fil-qasam tal-enerġija fil-qafas ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti;

87.

jenfasizza l-valur miżjud għoli tat-tisħiħ tal-Komunità tal-Enerġija permezz, fost oħrajn, tat-tisħiħ tal-mekkaniżmi tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fil-pajjiżi tal-Komunità tal-Enerġija. Fl-istess waqt josserva li s-sehem tal-pajjiżi msieħba f’din il-Komunità fil-mekkaniżmi tal-UE għas-sigurtà tal-enerġija, fosthom ir-Regolament il-ġdid dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass, iġib miegħu valur miżjud sostanzjali;

88.

jistieden lill-Istati Membri, f’konformità mal-prinċipju tas-solidarjetà, jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom u jinnegozjaw b’vuċi waħda vis-a-vis l-pajjiżi terzi; jirrimarka li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija tista’ tikkontribwixxi għall-promozzjoni u t-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi msieħba;

Dwar id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija:

89.

jinnota li l-Kumitat tar-Reġjuni pparteċipa regolarment fil-Pjattaforma tas-Sħubija tal-Lvant dwar is-sigurtà tal-enerġija, u li l-esperjenza tal-Unjoni Ewropea għandha tkun ta’ benefiċċju għall-imsieħba esterni, filwaqt li tippromovi l-għarfien industrijali u teknoloġiku tan-negozji tagħna;

90.

jenfasizza li l-proġetti tal-enerġija sostenibbli fil-livell lokali u reġjonali huma essenzjali biex inaqqsu d-dipendenza enerġetika tal-UE minn sorsi tal-enerġija u pajjiżi terzi li ta’ spiss ikunu marbutin magħhom il-fornituri esterni, u li hemm aktar xi jsir biex dan il-potenzjal ikun studjat b’mod aktar sħiħ; jissuġġerixxi li l-KtR għandu jkun direttament involut fl-iżvilupp ta’ inizjattivi futuri, b’mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali, relatati mal-politika esterna tal-enerġija.

Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-114 Sessjoni Plenarja mit-12 sal-14 ta' Ottubru 2015

17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/72


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ikel u għalf ġenetikament modifikati

(2015/C 423/13)

Relatur:

Is-Sur WEINMEISTER (DE/PPE), Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej, Hessen

Dokument ta' referenza:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' organiżmi ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom –

COM(2015) 177 final

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ir-reviżjoni tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) –

COM(2015) 176 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa' fil-prinċipju l-approċċ li fuqu hija bbażata l-proposta tal-Kummissjoni, li jsaħħaħ leħen ir-reġjuni u jwessa' l-libertà tagħhom li jieħdu d-deċiżjonijiet;

2.

madankollu, f'dan il-każ partikolari, iqis b'mod kritiku kemm huma adatti l-miżuri;

3.

jirreferi għax-xettiċiżmu u n-nuqqas ta' aċċettazzjoni f'ħafna partijiet tal-popolazzjoni fir-rigward tal-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM). Dan ix-xettiċiżmu u n-nuqqas ta' aċċettazzjoni għandhom jiġu indirizzati, fost oħrajn, permezz ta' proċeduri ta' awtorizzazzjoni aktar trasparenti tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati;

4.

itenni t-talba tiegħu għal regoli aktar ċari dwar it-tikkettar, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar ix-xiri. It-tikkettar trasparenti għandu jinkludi b'mod ċar ukoll l-użu ta' għalf ġenetikament modifikat fil-produzzjoni tal-ikel għall-annimali;

5.

f'dan il-kuntest jirreferi għall-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-libertà tal-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar il-kultivazzjoni ta' prodotti ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom” (CdR 338/2010 fin) (it-88 sessjoni plenarja tas-27 u t-28 ta' Jannar 2011), kif ukoll ir-Riżoluzzjoni dwar “Il-prijoritajiet għall-programm ta' ħidma tal-2016 tal-Kummissjoni Ewropea” (il-113-il sessjoni plenarja tad-9 ta' Lulju 2015);

Il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni għall-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati

6.

jinnota li l-Unjoni Ewropea għandha qafas legali komprensiv għall-awtorizzazzjoni, it-traċċabbiltà u t-tikkettar tal-organiżmi ġenetikament modifikati, u l-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati (ĠM), liema qafas legali huwa bbażat fuq id-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament u r-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tat-22 ta' Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta' organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta' prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE;

7.

jinnota li l-qafas legali propost jipprevedi li l-ebda OĠM, jew ikel jew għalf ġenetikament modifikat, ma jista' jitqiegħed fis-suq mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel maħruġa fil-qafas legali rilevanti;

8.

josserva li, għall-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati, il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tipprevedi valutazzjoni xjentifika konklużiva tal-applikazzjonijiet mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA);

9.

jirrimarka li l-Kummissjoni, wara li tkun irċeviet l-opinjoni tal-EFSA, tressaq abbozz ta' deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni jew ir-rifjut tal-awtorizzazzjoni għall-approvazzjoni tal-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf;

10.

josserva li jekk ma jkunx hemm votazzjoni konklużiva la fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, u lanqas fil-Kumitat ta' Appell, il-Kummissjoni hija obbligata, b'konformità mal-qafas regolatorju tal-OĠM u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tieħu deċiżjoni dwar applikazzjoni għal awtorizzazzjoni;

Reviżjoni tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni għall-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati

11.

jirrimarka li fil-programm ta' ħidma tagħha għall-2015, il-Kummissjoni ħabbret li ser teżamina l-proċess ta' approvazzjoni għall-organiżmi ġenetikament modifikati sabiex tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini u l-Istati Membri fir-rigward tal-obbligu legali attwali tal-Kummissjoni li tapprova l-awtorizzazzjoni tal-OĠM, anke f'każijiet meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur dik l-awtorizzazzjoni;

12.

jinsab sorpriż li r-reviżjoni mħabbra ssarrfet biss fi proposta dwar l-użu tal-ikel u għalf ġenetikament modifikati, mhux f'reviżjoni fundamentali tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni kif kien tħabbar;

13.

jiġbed l-attenzjoni għall-preferenzi fil-votazzjoni tal-Istati Membri individwali f'din il-proċedura ta' awtorizzazzjoni b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament;

14.

jiddispjaċih li għal din il-votazzjoni fil-qasam tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati fil-Kumitat Permanenti u l-Kumitat ta' Appell b'mod regolari ma jkun hemm l-ebda maġġoranza kwalifikata favur jew kontra d-deċiżjonijiet proposti;

15.

jinnota li, apparti mit-tħassib marbut mal-valutazzjoni xjentifika, it-tħassib dwar aspetti oħra li ma jaqgħux taħt il-valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA ħafna drabi jista' jwassal biex xi Stati Membri jastjenu jew jivvotaw kontra;

16.

jinnota li skont il-leġislazzjoni attwali, il-Kummissjoni trid tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni;

17.

jiddispjaċih b'mod partikolari li b'hekk il-Kummissjoni fir-realtà dejjem qed tiddeċiedi mingħajr l-approvazzjoni tal-votazzjoni mill-Istati Membri, u li, fil-każ ta' opinjoni pożittiva maħruġa mill-EFSA, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ġeneralment tkun li tagħti l-awtorizzazzjoni;

18.

jikkritika l-fatt li dan ifisser li, pereżempju, it-tħassib ta' Stat Membru wieħed jew aktar li jkun relatat mal-politika soċjali, li jitqajjem matul il-proċedura tal-awtorizzazzjoni, ġeneralment ma jiġix ikkunsidrat matul it-teħid tad-deċiżjoni ta' approvazzjoni;

19.

f'dan il-kuntest, jenfasizza li l-awtorizzazzjoni bbażata biss fuq il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-EFSA qed tiġi dubitata dejjem iktar;

Proposti għal titjib tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni attwali

20.

jaqbel mal-fehma tal-Istati Membri li, minħabba l-interess pubbliku kbir għall-awtorizzazzjoni jew ir-rifjut ta' awtorizzazzjoni tal-OĠM, huwa essenzjali li anke l-preokkupazzjonijiet pereżempju mhux xjentifiċi jkunu jistgħu jitqiesu fil-proċess deċiżjonali;

21.

jiddispjaċih li attwalment dan mhuwiex effettivament il-każ, peress li fil-proċedura attwali, minħabba fehmiet diverġenti bejn l-Istati Membri u għaldaqstant nuqqas ta' maġġoranza adegwata, il-valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA fl-aħħar mill-aħħar isservi bħala l-bażi prinċipali għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni;

22.

jirrakkomanda li, soġġett għal verifika legali u mingħajr preġudizzju għall-kummenti dwar il-proposta attwali għal Regolament, deċiżjoni pożittiva mill-Kummissjoni dwar awtorizzazzjoni fil-futur għandha tkun possibbli biss jekk il-Kumitat Permanenti jew il-Kumitat ta' Appell jivvota favur tal-inqas b'maġġoranza kwalifikata;

23.

iqis li b'dan il-mod il-preokkupazzjonijiet ulterjuri tal-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati aħjar u tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-vot tagħhom;

24.

ma jaqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni li l-qafas legali eżistenti għandu jinżamm u li r-regoli tal-votazzjoni ma jistgħux jinbidlu, sempliċiment għax japplikaw ukoll għal oqsma oħra ta' politika;

25.

għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra jekk huwiex possibbli li jsir tibdil konformi mal-liġi Ewropea għall-ġestjoni tar-riskju fil-qasam tal-OĠM;

26.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li jkun hemm sistema unika ta' valutazzjoni tar-riskju;

27.

jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali responsabbli għall-kultivazzjoni tal-OĠM;

28.

jenfasizza li din il-kooperazzjoni tista' tikkontribwixxi kemm għall-aċċettazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju fl-Istati Membri, kif ukoll biex tittejjeb il-kwalità tal-valutazzjoni;

29.

għalhekk jirrakkomanda li fil-proċess tal-awtorizzazzjoni għandhom ikunu jistgħu jitqiesu aħjar il-kwistjonijiet ambjentali kemm tal-pjanti ĠM kif ukoll l-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati;

30.

iqis li huwa urġenti li l-linji gwida msaħħa tal-EFSA dwar l-impatt ambjentali tal-pjanti ġenetikament modifikati jiddaħħlu mill-iktar fis possibbli fl-Annessi tad-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat, sabiex ikunu legalment vinkolanti;

Valutazzjoni tal-proposta għal Regolament

31.

jinnota li, fil-Komunikazzjoni tagħha COM(2015) 176, il-Kummissjoni tenfasizza l-mod kif taħdem il-proċedura ta' awtorizzazzjoni, li anke hi mhijiex sodisfatta bih, u b'hekk ipproponiet bidla għar-Regolament dwar l-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati, bħalma hemm previst fid-Direttiva (UE) 2015/412 (ir-regoli dwar l-esklużjoni fakultattiva dwar il-kultivazzjoni tal-OĠM);

32.

huwa tal-fehma li biex jintlaħaq aħjar l-objettiv tal-Kummissjoni li tindirizza t-tħassib individwali tal-Istati Membri, minflok il-proposta attwali għal Regolament aħjar tiġi riveduta mill-iktar fis il-parti tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali fil-proċess ta' awtorizzazzjoni, kif għadu kemm ġie previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2015/412 preżentata attwalment;

33.

josserva li mhuwiex l-għan tal-Proposta li tibdel il-livell ta' sigurtà uniformi li ġie stabbilit mill-valutazzjoni tar-riskju pan-Ewropea mwettqa mill-EFSA. Il-qafas legali tal-UE llum diġà fih dispożizzjonijiet li, sakemm ma ssirx reviżjoni ġdida fil-livell tal-UE, jippermettu lill-Istati Membri jipprojbixxu prodott f'każijiet fejn hemm evidenza ġdida li l-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa jew l-ambjent;

34.

josserva li l-Istati Membri għandhom jingħataw id-dritt deċiżjonali fil-livell nazzjonali li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' OĠMs fl-ikel u l-għalf li jkunu ġew awtorizzati fil-livell tal-UE (miżuri ta' esklużjoni fakultattiva li jirregolaw l-użu tal-OĠM);

35.

jinnota, madankollu, li l-Istati Membri hawnhekk għandhom jiżguraw li l-miżuri tagħhom jikkonformaw kemm mal-liġi tal-UE, b'kont meħud tal-prinċipju tal-proporzjonalità u l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni bejn prodotti domestiċi u mhux domestiċi, kif ukoll mal-obbligi internazzjonali tal-UE fil-livell tad-WTO;

36.

jirrimarka li, minbarra li jkunu konsistenti mal-kundizzjonijiet tad-WTO stabbiliti fil-livell globali fis-suq intern, il-miżuri għandhom ikunu kompatibbli mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija stabbilit fl-Artikolu 34 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprojbixxi kull miżura li għandha effett ekwivalenti għar-restrizzjoni kwantitattiva fuq il-moviment liberu tal-merkanzija;

37.

josserva li l-Istati Membri li jixtiequ jużaw l-għażla ta' projbizzjoni jridu jiġġustifkaw il-miżuri tagħhom skont l-Artikolu 36 tat-TFUE u jagħtu r-raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, u dawk ir-raġunijiet imsemmija mill-Istati Membri għall-projbizzjoni m'għandhom lanqas jikkontradixxu l-valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent;

38.

jikkritika l-fatt li, skont l-informazzjoni attwali, l-għażla tal-projbizzjoni hija assoċjata ma' ostakoli sproporzjonati, li l-ewwel iridu jingħelbu mill-Istat Membru qabel ma dan ikun jista' jagħmel użu minn din l-għażla fil-livell nazzjonali u jimponi projbizzjoni, u b'hekk jitqajmu preokkupazzjonijiet dwar is-sussidjarjetà, u jindika li b'mod ċar din il-proposta tmur kontra l-prinċipji tal-proporzjonalità;

39.

jiddispjaċih f'dan ir-rigward li ma tressqet l-ebda lista ta' argumenti li jiġġustifikaw projbizzjoni nazzjonali mill-Istati Membri individwali. Tali lista, li wriet li kienet utli għaċ-ċertezza legali, tista' tinstab, pereżempju, fid-Direttiva (UE) 2015/412 li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) fit-territorju tagħhom;

40.

jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li l-proposta ma tinkludi l-ebda valutazzjoni tal-impatt;

41.

fi ftit kliem, jikkritika l-proposta tal-Kummissjoni li tagħti lill-Istati Membri l-għażla ta' restrizzjoni jew projbizzjoni tal-użu tal-OĠM fl-ikel u l-għalf li jkunu awtorizzati fil-livell tal-UE, iżda ma tindikax kif jistgħu jimplimentaw tali deċiżjoni b'ċertezza legali fil-livell nazzjonali;

42.

jemmen li għalhekk huwa diffiċli ħafna li attwalment jiġi previst sa fejn tista' fil-fatt tintuża l-għażla ta' projbizzjoni, fid-dawl tal-bosta kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti fil-prattika;

43.

jikkritika s-sitwazzjoni fejn, abbażi tat-tagħrif attwali, huwa impossibbli li projbizzjoni nazzjonali tiġi monitorjata b'mod kost-effettiv fid-dawl tal-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern u l-flussi globali tal-prodotti, kif ukoll tal-ħafna elementi fil-ktajjen tal-produzzjoni tal-ikel u l-għalf industrijali;

44.

huwa tal-fehma li jkun aħjar li l-preokkupazzjonijiet tal-Istati Membri jitqiesu aktar billi jinbidel l-ippeżar tal-votazzjoni fiż-żewġ kumitati minflok jitwaqqfu regoli nazzjonali għall-projbizzjoni. Il-projbizzjonijiet nazzjonali jistgħu jiddaħħlu biss wara li jingħelbu ħafna ostakli u kważi impossibbli li jiġu monitorjati;

45.

għaldaqstant ma jaqbilx mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li wasslu għall-preżentazzjoni ta' din il-proposta għal Regolament;

46.

għalhekk jitlob li din il-proposta għal Regolament tiġi rifjutata.

Brussell, it-13 ta' Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/76


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-pakkett dwar it-trasparenza fiskali

(2015/C 423/14)

Relatur:

Is-Sur Hicham Imane (BE/PSE) Membru tal-Parlament tar-Reġjun ta’ Walloon

Dokumenti ta' referenza:

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE

COM(2015) 129 final

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni

COM(2015) 135 final

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-trasparenza fiskali kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa

COM(2015) 136 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI (COM(2015) 135 final)

Emenda 1

Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(8)

L-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-informazzjoni bażika li trid tiġi kkomunikata wkoll lill-Kummissjoni. Dan jippermetti lill-Kummissjoni biex f'kull ħin tkun tista' tissorvelja u tevalwa l-applikazzjoni effettiva tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet antiċipati transfruntieri u l-arranġamenti antiċipati dwar il-prezzijiet. Komunikazzjoni ta' dan it-tip mhijiex se teżonera lill-ebda Stat Membru mill-obbligi tiegħu li jinnotifika kull għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni .

(8)

L-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-informazzjoni bażika li trid tiġi kkomunikata wkoll lill-Kummissjoni. Dan jippermetti lill-Kummissjoni biex f'kull ħin tkun tista' tissorvelja u tevalwa l-applikazzjoni effettiva tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet antiċipati transfruntieri jew li għandhom l-għan li jnaqqsu l-bażi tat-taxxa taħt il-liġi domestika dwar it-tassazzjoni abbażi tal-istruttura ta' grupp ta' kumpaniji u l-arranġamenti antiċipati dwar il-prezzijiet. Komunikazzjoni ta' dan it-tip mhij a se teżonera lill-ebda Stat Membru mill-obbligi tiegħu li jinnotifika kull għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni dwar it-tassazzjoni li tapplika għall-kumpaniji li tista' tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

Raġuni

Preċiżjoni legali dwar l-iskala tal-għajnuna mill-Istat ikkonċernata.

Emenda 2

Premessa 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(12)

Sabiex jitjieb l-użu effiċjenti tar-riżorsi, jkun iffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u tiġi evitata l-ħtieġa li kull Stat Membru jagħmel żviluppi simili għas-sistemi tagħhom biex tinħażen l-informazzjoni, għandha ssir dispożizzjoni speċifika għall-istabbiliment ta’ direttorju ċentrali aċċessibbli għall-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni fejn l-Istati Membri jkunu jistgħu jtellgħu u jaħżnu l-informazzjoni minflok ma jiskambjawha permezz tal-email . L-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-istabbiliment ta' direttorju bħal dan għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2011/16/UE.

(12)

Sabiex jitjieb l-użu effiċjenti tar-riżorsi, jkun iffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u tiġi evitata l-ħtieġa li kull Stat Membru jagħmel żviluppi simili għas-sistemi tagħhom biex tinħażen l-informazzjoni, għandha ssir dispożizzjoni speċifika għall-istabbiliment ta’ direttorju ċentrali aċċessibbli għall-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni fejn l-Istati Membri jtellgħu u jaħżnu l-informazzjoni. L-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-istabbiliment ta' direttorju bħal dan għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2011/16/UE filwaqt li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jidentifikaw il-benefiċjarju jew il-benefiċjarji tad-deċiżjoni .

Raġuni

Li l-informazzjoni rilevanti tittella' u tinħażen fir-repożitorju ċentrali ma għandhiex tkun għażla fakultattiva. Barra minn hekk, dan l-approċċ mhuwiex inkompatibbli ma’ skambju addizzjonali permezz tal-posta elettronika.

Emenda 3

Artikolu 1, Artikolu ġdid 8a(2)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha wkoll tikkomunika informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjonijiet antiċipati transfruntieri jew arranġamenti antiċipati dwar il-prezzijiet maħruġa fi żmien perjodu li jibda għaxar snin qabel id-dħul fis-seħħ iżda li għadhom validi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva;

2.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha wkoll tikkomunika informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjonijiet antiċipati transfruntieri jew li għandhom l-għan li jnaqqsu l-bażi tat-taxxa taħt il-liġi domestika dwar it-tassazzjoni abbażi tal-istruttura ta' grupp ta' kumpaniji u arranġamenti antiċipati dwar il-prezzijiet li għadhom validi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Din id-dejta ser tinħażen ukoll fir-repożitorju ċentrali.

Raġuni

Din l-emenda tqis it-tħassib espress minn diversi awtoritajiet pubbliċi li t-trażmissjoni tad-deċiżjonijiet kollha dwar it-taxxa mogħtija f’dawn l-aħħar 10 snin iżda li mhux neċessarjament għadhom validi, tikkostitwixxi piż amministrattiv eċċessiv.

Emenda 4

Artikolu 1, Artikolu ġdid 8a(3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

3.    Il-paragrafu 1 m’għandux japplika f’każ fejn deċiżjoni antiċipata transfruntiera tikkonċerna esklużivament persuna fiżika waħda jew aktar u tinvolvi l-affarijiet tat-taxxa.

 

Raġuni

Ir-restrizzjoni proposta tal-kamp ta’ applikazzjoni hija inqas minn dik tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/16/UE.

Emenda 5

Artikolu 1, Artikolu ġdid 8a(3)(a)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

3(a)    Il-kumpaniji li jimpjegaw aktar minn 250 persuna jew li l-fatturat annwali tagħhom huwa ta’ aktar minn EUR 50 miljun jew li t-total tal-karta tal-bilanċ tagħhom huwa ta’ iżjed minn EUR 43 miljun u li huma involuti f'operazzjonijiet transfruntieri jgħarrfu lill-Kummissjoni direttament bid-deċiżjonijiet antiċipati transfruntieri implimentati jew li għandhom l-għan li jnaqqsu l-bażi tat-taxxa taħt il-liġi domestika dwar it-tassazzjoni abbażi tal-istruttura ta' grupp ta' kumpaniji u l-arranġamenti antiċipati dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment li huma soġġetti għalihom l-entitajiet rilevanti kollha tal-impriża fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tippubblika reġistru b’din l-informazzjoni pprovduta minn dawn il-kumpaniji multinazzjonali kbar.

Raġuni

Il-kumpaniji multinazzjonali kbar għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi tat-trasparenza dwar deċiżjonijiet antiċipati transfruntieri u l-arranġamenti antiċipati fuq bażi ta’ pajjiż pajjiż għaliex huma l-aktar probabbli li jibbenefikaw mid-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jżommu l-kumpaniji responsabbli għall-moralità tal-imġiba fiskali tagħhom.

Emenda 6

Artikolu 1, Artikolu ġdid 8a(4b)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(b)

f'dak li għandu x'jaqsam mal-informazzjoni skambjata skont il-paragrafu 2: qabel il-31 ta’ Diċembru 2016 ;

(b)

f'dak li għandu x'jaqsam mal-informazzjoni skambjata skont il-paragrafu 2: qabel il-31 ta’ Diċembru 2015 ;

Raġuni

Ma hemmx bżonn li tiġi prevista skadenza għan-notifika tad-deċiżjonijiet antiċipati transfruntieri u l-arranġamenti antiċipati dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment li jkunu għadhom validi fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva emendata, li tkun differenti mill-iskadenza għall-adozzjoni u l-pubblikazzjoni mill-Istati Membri tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva emendata (ara l-Artikolu 2 tal-Proposta għal Direttiva).

Emenda 7

Artikolu 1, Artikolu ġdid 8a(5)(f)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

(f)

malli jkun disponibbli n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa Ewropew (TIN) kif deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa tal-2012.

Emenda 8

Artikolu 1, Artikolu ġdid 8a(6)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

6.   Biex jiġi ffaċilitat l-iskambju, il-Kummissjoni għandha tadotta kull miżura u arranġament prattiku meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi miżuri biex jiġu standardizzati l-komunikazzjoni tal-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, bħala parti mill-proċedura li tistabbilixxi l-formola standard prevista fl-Artikolu 20(5).

6.   Biex jiġi ffaċilitat l-iskambju, il-Kummissjoni għandha tadotta kull miżura u arranġament prattiku meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi miżuri biex jiġu standardizzati l-komunikazzjoni tal-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, bħala parti mill-proċedura li tistabbilixxi l-formola standard prevista fl-Artikolu 20(5). F’dawk l-Istati Membri fejn l-entitajiet territorjali jew amministrattivi deċentralizzati ma għandhomx setgħat fi kwistjonijiet tat-taxxa, il-Kummissjoni tipprovdi assistenza lill-Istati Membri biex tiżgura li dawn jissodisfaw ir-responsabbiltà tagħhom li jipprovdu taħriġ u appoġġ lil dawn l-entitajiet.

Raġuni

Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza previsti fil-Proposta għal Direttiva jistgħu japplikaw ukoll għall-entitajiet territorjali jew amministrattivi. Għalkemm hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jipprovdu taħriġ u appoġġ lil dawn l-entitajiet, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-effettività tal-proposti leġislattivi tagħha.

Emenda 9

Artikolu 1, Artikolu ġdid 8a(8)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

8.   L-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 5, jitolbu informazzjoni addizzjonali, inkluż it-test sħiħ tad-deċiżjoni antiċipata transfruntiera jew tal-arranġament antiċipat dwar il-prezzijiet, mill-Istat Membru li jkun ħariġhom.

8.   L-Istati Membri u, jekk meħtieġ, l-entitajiet territorjali jew amministrattivi tagħhom, inklużi l-awtoritajiet lokali, jistgħu, skont l-Artikolu 5, jitolbu informazzjoni addizzjonali, inkluż it-test sħiħ tad-deċiżjoni antiċipata transfruntiera jew tal-arranġament antiċipat dwar il-prezzijiet, mill-Istat Membru li jkun ħariġhom.

Raġuni

Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza previsti fil-Proposta għal Direttiva japplikaw mhux biss għall-awtoritajiet fiskali ċentrali tal-Istati Membri, iżda wkoll għall-entitajiet territorjali jew amministrattivi tiegħu, inklużi l-awtoritajiet lokali (1). Għaldaqstant, huma għandhom, fejn meħtieġ, ikunu jistgħu jitolbu informazzjoni addizzjonali bħal din.

Emenda 10

Artikolu 1, Artikolu ġdid 8a(10)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

10.    Il-Kummissjoni għandha teżamina kull sanzjoni li għandha tiġi stabbilita f’każijiet ta’ rifjut jew nuqqas ta’ skambju ta’ informazzjoni.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ b'sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni, li huma pass importanti fir-rispons tal-Unjoni Ewropea (UE) fid-dawl tal-fatt li l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa kull sena jwasslu għal telf fid-dħul potenzjali mit-taxxa stmat għal EUR 1 triljun fil-livell tal-UE, meta wieħed iqis li d-dħul mit-taxxa fl-UE jammonta għal madwar 90 % tat-total tad-dħul tal-gvern. Dan it-telf jipperikola b'mod gravi l-effettività u l-ekwità tas-sistemi tal-UE dwar it-tassazzjoni; iżid il-piż fiskali għaċ-ċittadini u l-kumpaniji kollha; jimplika tnaqqis fil-fondi pubbliċi disponibbli għall-investiment pubbliku u privat u, minħabba d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jinfluwenzaw l-għażla tal-post fejn ikunu lokalizzati l-attivitajiet tan-negozju, idgħajjef l-għan tal-UE favur koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

2.

jappoġġja għalhekk il-proposta tal-Kummissjoni li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni sabiex tinkludi informazzjoni dwar deċiżjonijiet antiċipati transfruntieri jew li għandhom l-għan li jnaqqsu l-bażi tat-taxxa taħt il-liġi domestika dwar it-tassazzjoni abbażi tal-istruttura ta’ grupp ta’ kumpaniji u u l-arranġamenti antiċipati dwar il-prezzijiet, bil-kundizzjoni li dawn jintużaw minn ċerti kumpaniji b’operazzjonijiet transkonfinali biex iwaqqfu l-istrutturi li jipproduċu l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa fl-Istati Membri u jaffettwaw l-effiċjenza tas-suq intern;

3.

ifakkar li l-pakkett ippreżentat mill-Kummissjoni ma jikkundannax il-prattika tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa bil-kundizzjoni li dawn l-arranġamenti jkunu koperti bil-liġi fi tnejn u għoxrin Stat Membru tal-UE u li huwa leġittimu li kumpanija li tistabbilixxi ruħha f’territorju partikolari tivverifika minn qabel l-ammont ta’ taxxa li japplika għaliha. Madankollu, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li n-nuqqas ta’ trasparenza fl-arranġamenti ma jikkawżax distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u erożjoni fiskali għad-detriment tad-dħul pubbliku Ewropew b'mod ġenerali;

4.

jenfasizza li r-rekwiżiti ta’ trasparenza previsti fil-Proposta għal Direttiva japplikaw mhux biss għall-awtoritajiet fiskali ċentrali tal-Istati Membri, iżda wkoll għall-entitajiet territorjali jew amministrattivi, inklużi l-awtoritajiet lokali. Għaldaqstant, jidher iġġustifikat li jistgħu joħorġu wkoll talbiet għal informazzjoni u li, minħabba r-riżorsi limitati disponibbli għalihom, il-Kummissjoni tista’ jekk hemm bżonn tipprovdilhom assistenza u taħriġ;

5.

jistaqsi għala l-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludix mekkaniżmi ta’ sanzjonijiet speċifiċi fil-konfront tal-Istati Membri li jiksru r-rekwiżiti ta’ trasparenza;

6.

huwa tal-fehma li d-Direttiva li temenda d-Direttiva 2011/16/UE tipprovdi bażi ġdida għall-Kummissjoni biex tinnegozja, fil-livell tal-OECD, standard tal-BEPS (erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt) aktar ambizzjuż mill-abbozz li qed jiġi negozjat bħalissa;

7.

jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni rrikorriet għall-Artikolu 115 tat-TFUE dwar l-ikkompletar tas-suq intern bħala bażi legali tal-Proposta tagħha għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2011/16/UE, pjuttost milli l-Artikolu 113 tat-TFUE dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxa. Peress li l-Artikolu 115 tat-TFUE huwa dwar qasam ta’ kompetenzi kondiviżi, japplika l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Madankollu, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fil-punt 2.3 tal-Memorandum ta' Spjegazzjoni tagħha dwar il-valur miżjud ta’ azzjoni leġislattiva fil-livell tal-UE u l-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma totalment konvinċenti;

8.

ifakkar li, anke jekk l-UE ma għandhiex setgħa diretta fuq is-sistemi fiskali nazzjonali, il-Kummissjoni tista’ tanalizza jekk ċerti sistemi tat-taxxa jikkostitwixxux għajnuna illegali mill-Istat favur ċerti kumpaniji billi jagħtu vantaġġi fiskali selettivi. Fid-dawl tal-iskala tal-investigazzjonijiet li għaddejjin dwar 21 Stat Membru b’medja ta’ 5 sa 10 deċiżjonijiet dwar it-taxxa mill-Istati Membri eżaminati, u tal-fatt li żewġ Stati Membri oħra għadhom ma ressqux ir-rendikont tagħhom dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa maħruġa mill-2010 'l hawn (2), jidher meħtieġ li l-Kummissjoni tfassal linji gwida dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat;

9.

jaqbel dwar il-ħtieġa li tiġi revokata d-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul (“id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tfaddil”) meta wieħed iqis li d-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE, li emendat id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tkopri l-prodotti finanzjarji kollha, inklużi dawk koperti mid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tfaddil u li jeħtieġ li jiġi evitat li jiġu applikati żewġ regoli b’mod parallel;

10.

jilqa’ b'sodisfazzjon il-preżentazzjoni tal-Kummissjoni f'Ġunju 2015 ta' pjan ta’ azzjoni dwar it-tassazzjoni tal-kumpaniji li jħaddan miżuri oħra biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u l-kompetizzjoni dannuża b'rabta mat-taxxi u partikolarment l-impenn favur proposta ġdida fl-2016 għat-twaqqif ta' bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) li tkun obbligatorja alemnu għall-intrapriżi multinazzjonali. Bħala tfakkira, skont iċ-ċifri mressqa mill-Kummissjoni Ewropea fl-2011, il-pjan BKKTK se jippermetti li l-kumpaniji tal-Unjoni jiffrankaw EUR 700 miljun fis-sena fi spejjeż ta’ konformità, u EUR 1,3 biljun permezz tal-konsolidazzjoni. Itenni għaldaqstant it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex jikkonsulta lill-KtR dwar il-proposta ġdida tagħha dwar il-BKKTK.

Brussell, 14 ta' Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/16/UE.

(2)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-5140_en.htm (mhux disponibbli bil-Malti).