ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 417

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 58
15 ta' Diċembru 2015


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kunsill

2015/C 417/01

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2016-2018

1

2015/C 417/02

Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa

10


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2015/C 417/03

Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (mill-2010 sal-2018)

17

2015/C 417/04

Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) — Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ

25

2015/C 417/05

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel u l-promozzjoni tas-suċċess fl-iskola

36

2015/C 417/06

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE b'attenzjoni fuq il-kultura fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp

41

2015/C 417/07

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, li jemendaw il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015-2018) fir-rigward tal-prijorità dwar id-djalogu interkulturali

44

2015/C 417/08

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, li janalizzaw ir-Riżoluzzjoni tal-2011 dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha qabel il-laqgħat tal-WADA

45

2015/C 417/09

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-ħiliet motorji, l-attivitajiet fiżiċi u sportivi għat-tfal

46


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kunsill

15.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/1


Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2016-2018

(2015/C 417/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,

I.   INTRODUZZJONI

1.

JIRRIKONOXXU li, mindu saret l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni dwar Qafas Imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-Żgħażagħ 2010-2018, u l-adozzjoni tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ għall-2014-2015, il-kriżi kompliet ikollha impatt profond u sproporzjonat fuq iż-żgħażagħ fl-Ewropa u t-transizzjoni tagħhom lejn il-ħajja adulta.

2.

Jirrikonoxxu li hemm il-ħtieġa għal kooperazzjoni transsettorjali msaħħa fil-qasam taż-żgħażagħ fil-livell tal-UE sabiex jiġu indirizzati b'mod adegwat dawn l-isfidi.

3.

JIEĦDU NOTA tal-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tipprijoritizza l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, il-marġinalizzazzjoni taż-żgħażagħ kif ukoll il-promozzjoni tal-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja soċjali, kulturali u ċivika taħt il-Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ (“ET 2020”), il-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018), il-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport (2014-2017) u l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015-2018). (1)

4.

JIEĦDU NOTA tar-Rapport konġunt tal-UE dwar iż-Żgħażagħ 2015 (2) tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, b'mod partikolari t-taqsima 5 tiegħu, “It-triq 'il quddiem fil-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ”.

Konsegwentement JAQBLU li jistabbilixxu Pjan ta' Ħidma ta' 36 xahar tal-UE għaż-Żgħażagħ għal azzjoni mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2018, sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Qafas Imġedded għall-Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018).

II.   PRINĊIPJI

5.

IQISU li l-Pjan ta' Ħidma, waqt li tiġi mħarsa s-sussidjarjetà, għandu jkun irregolat mill-prinċipji gwida li ġejjin. Dan għandu:

jibni fuq il-kisbiet tal-Pjan preċedenti ta' Ħidma għaż-Żgħażagħ (2014-2015);

jagħti impetu u prominenza kif adatt lill-ħidma fil-livell tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ;

jiżgura, permezz ta' kooperazzjoni transettorjali, is-sensibilizzazzjoni ta' oqsma oħra ta' politika tal-UE dwar il-kwistjonijiet speċifiċi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ;

jikkontribwixxi għall-prijoritajiet globali tal-aġendi tal-politika ta' sigurtà, ekonomika u soċjali tal-UE;

jaħdem favur politika għaż-żgħażagħ ibbażata fuq l-għarfien u l-evidenza;

jibqa' strument flessibbli li jista' jwassal għal reazzjonijiet xierqa u f'waqthom għal ambjent ta' politika li qed jinbidel;

jippromwovi approċċ kooperattiv u miftiehem bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni li jippermettilhom joħolqu valur miżjud fir-rigward tat-temi ta' prijorità li jinsabu fil-paragrafu 6 (ara hawn taħt);

jibni fuq sinerġiji mal-programm Erasmus+, inter alia billi jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta' prijoritajiet speċifiċi għaż-żgħażagħ għall-programm ta' ħidma annwali Erasmus+;

jinvolvi ż-żgħażagħ bl-użu ta' proċeduri konsultattivi biex jiġi żgurat li l-Pjan ta' Ħidma jindirizza l-kwistjonijiet li huma rilevanti għalihom.

6.

JAQBLU li, fid-dawl tal-iżviluppi attwali, it-temi li ġejjin għandhom jingħataw prijorità mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-kooperazzjoni tagħhom fil-livell tal-UE għall-perijodu kopert minn dan il-Pjan ta' Ħidma sa tmiem l-2018:

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni transsettorjali għandhom jissaħħu bl-għanijiet li ġejjin, f'konformità mal-prijoritajiet maqbula fir-Rapport Konġunt tal-UE dwar iż-Żgħażagħ 2015:

A.

Żieda fl-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha, b'kont meħud tal-valuri Ewropej sottostanti;

B.

Parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ kollha fil-ħajja demokratika u ċivika fl-Ewropa;

C.

Transizzjoni aktar faċli taż-żgħażagħ miż-żgħożija għall-ħajja adulta, b'mod partikolari l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol;

D.

Appoġġ għas-saħħa u l-benessri taż-żgħażagħ, inkluża s-saħħa mentali;

E.

Kontribut biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet tal-era diġitali għall-politika dwar iż-żgħażagħ, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u ż-żgħażagħ;

F.

Kontribut biex ikun hemm reazzjoni għall-opportunitajiet u l-isfidi li joħolqu n-numri dejjem jikbru ta'migranti u refuġjati żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea.

7.

JAQBLU li, filwaqt li l-azzjoni tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif stipulat fl-Anness I, għandha tkun immirata lejn iż-żgħażagħ kollha, għandha tingħata enfasi partikolari lill-gruppi li ġejjin:

Zgħażagħ fir-riskju ta' emarġinazzjoni

Żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET)

Żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, inklużi immigranti li għadhom jaslu u refuġjati żgħażagħ.

8.

JAQBLU li l-Pjan ta' Ħidma jista' jiġi rivedut mill-Kunsill fid-dawl tar-riżultati miksuba u l-iżviluppi tal-politika fil-livell tal-UE.

9.

JAQBLU dwar lista ta' azzjonijiet speċifiċi konformi ma' dawn it-temi ta' prijorità u dwar skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom, kif jinsabu fl-Anness I.

III.   METODI U STRUTTURI TA' ĦIDMA

10.

JIRRIKONOXXU li:

Hemm ħtieġa li jiġu rinfurzati l-integrazzjoni taż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni transettorjali orjentata lejn ir-riżultati fi ħdan il-Kunsill sabiex jiġi garantit, meta jkun possibbli, li t-tfassil tal-politika fl-oqsma kollha rilevanti jieħu kont tal-aspirazzjonijiet, il-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ.

11.

JAQBLU li

Il-metodi ta' ħidma li ġejjin ser jappoġġjaw, fejn addattat, l-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma: il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni, kif maqbul fil-Qafas Imġedded għall-Kooperazzjoni Ewropea fil-Qasam taż-Żgħażagħ, u b'mod partikolari, tfassil ta' politika bbażat fuq l-għarfien u l-evidenza, gruppi ta' esperti, attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari, evalwazzjonijiet bejn il-pari, studji, konferenzi, seminars, disseminazzjoni tar-riżultati, il-Forum Informali ma' rappreżentanti taż-żgħażagħ, laqgħat tad-Diretturi Ġenerali għaż-Żgħażagħ u d-Djalogu Strutturat maż-żgħażagħ.

Il-metodi kollha, inklużi l-gruppi ta' esperti, ser jiffokaw il-ħidma tagħhom fuq it-temi ta' prijorità indikati fit-Taqsima II, paragrafu 6, u fuq azzjonijiet u dati previsti elenkati fl-Anness I. L-azzjonijiet fl-Anness I jistgħu jiġu riveduti mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, fid-dawl tar-riżultati miksuba u l-iżviluppi ta' politika fil-livell tal-UE.

Il-prinċipji relatati mas-sħubija u l-funzjonament tal-gruppi ta' esperti jinsabu fl-Anness II.

Fir-rigward tad-dritt taż-żgħażagħ li jipparteċipaw fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta' politiki li jaffettwawhom, il-proċeduri konsultattivi ser jippermettu li ż-żgħażagħ jipparteċipaw f'riflessjoni konġunta dwar it-temi ta' prijorità ta' dan il-Pjan ta' Ħidma.

Il-laqgħat informali tad-Diretturi Ġenerali għaż-Żgħażagħ għandhom jeżaminaw il-kwistjonijiet strateġiċi li jirriżultaw b'rabta ma' dan il-Pjan ta' Ħidma, kif ukoll dawk relatati b'mod aktar ġenerali mal-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ.

Fl-ewwel nofs tal-2018, l-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma ser tiġi evalwata mill-Kunsill u l-Kummissjoni, abbażi tal-valutazzjoni konġunta tal-implimentazzjoni tiegħu, li għandha titwettaq fil-kuntest tar-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ.

12.

FID-DAWL TA' DAN TA' HAWN FUQ, JISTIEDNU

lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu gruppi ta' esperti dwar is-suġġetti li ġejjin għat-tul tal-Pjan ta' Ħidma attwali:

Id-definizzjoni tal-kontribut speċifiku tal-ħidma fost iż-żgħażagħ kif ukoll it-tagħlim mhux formali u informali sabiex

(a)

jiġu promossi ċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f'soċjetajiet diversi u tolleranti kif ukoll jiġu prevenuti l-marġinalizzazzjoni u r-radikalizzazzjoni li potenzjalment jirriżultaw f'imġiba vjolenti.

(b)

ikun hemm reazzjoni għall-opportunitajiet u l-isfidi li jirriżultaw mill-għadd dejjem jikber ta' migranti u refuġjati żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea

L-indirizzar tar-riskji, l-opportunitajiet, u l-implikazzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni għaż-żgħażagħ, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-politika dwar iż-żgħażagħ.

IV.   AZZJONIJIET

13.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI, BIL-KUNSIDERAZZJONI DOVUTA GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

jaħdmu flimkien bl-appoġġ tal-Kummissjoni billi jużaw il-metodi ta' ħidma speċifikati b'din ir-Riżoluzzjoni;

ikomplu jippromwovu l-involviment attiv tal-ministeri għaż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika nazzjonali relatata mal-Istrateġija Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew, b'segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-politika dwar iż-żgħażagħ fl-indirizzar tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020”;

jieħdu kont kif mistħoqq tal-Qafas Imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-Żgħażagħ 2010-2018 u ta' dan il-Pjan ta' Ħidma meta jiżviluppaw il-politika fil-livell nazzjonali u f'dak reġjonali, fejn xieraq;

jgħarrfu lill-awtoritajiet rilevanti, iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ, sabiex jiġu żgurati r-rilevanza u l-viżibilità tal-attivitajiet.

14.

JISTIEDNU LILL-PRESIDENZI TAL-KUNSILL BIEX:

abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, jikkunsidraw segwitu xieraq;

jieħdu kont, fil-kuntest tat-Triju ta' Presidenzi, it-temi ta' prijorità tal-Pjan tal-Ħidma tal-UE meta jiżviluppaw il-programm tagħhom;

jinformaw lill-Grupp ta' Ħidma dwar iż-Żgħażagħ tal-Kunsill dwar il-ħidma mwettqa minn korpi preparatorji oħrajn tal-Kunsill li għandha impatt dirett jew indirett fuq iż-żgħażagħ jew il-politika dwar iż-żgħażagħ;

jieħdu kont, fil-kuntest tat-Triju ta' Presidenzi, tal-elementi pendenti tal-Pjan ta' Ħidma preċedenti (2014-2015);

jikkunsidraw li jipproponu Pjan ta' Ħidma ġdid fl-aħħar tas-36 xahar koperti minn din ir-Riżoluzzjoni, abbażi tal-valutazzjoni u l-evalwazzjoni msemmija fil-punt 11;

jipprovdu opportunitajiet lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati fil-qasam taż-żgħażagħ biex jiddiskutu l-futur tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ wara l-2018;

jipproponu lid-Diretturi Ġenerali għaż-Żgħażagħ fil-laqgħa informali tas-soltu tagħhom biex jiddiskutu u jsegwu r-riżultati miksuba taħt il-Pjan ta' Ħidma, biex meta jkun xieraq jorganizzaw laqgħat transettorjali konġunti u straordinarji tad-Diretturi Ġenerali, sabiex ixerrdu r-riżultati b'mod wiesa' u sabiex jikkontribwixxu għal valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ.

15.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI BIEX:

tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-ħaddiema li jaħdmu maż-żgħażagħ u fil-ħidma fost iż-żgħażagħ, permezz tal-implimentazzjoni tal-programm Erasmus +, bħala wieħed mill-elementi ewlenin għall-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa;

tappoġġa u taħdem mal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma, b'mod partikolari l-azzjonijiet deskritti fl-Anness;

tgħarraf lill-Istati Membri dwar inizjattivi u studji, li għaddejjin jew dawk ippjanati, tal-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ u ta' oqsma ta' politika rilevanti oħra li jħallu impatt fuq iż-żgħażagħ u dwar l-iżviluppi rispettivi fil-Kummissjoni;

tikkonsulta u tgħarraf regolarment lill-partijiet ikkonċernati fil-livell Ewropew, inklużi s-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ, dwar il-progress tal-Pjan ta' Ħidma sabiex tiżgura r-rilevanza u l-viżibbiltà tal-attivitajiet.

tħeġġeġ komunikazzjoni aħjar tas-sinerġiji fi ħdan il-programmi tal-UE kif ukoll il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħall-Kunsill tal-Ewropa.

16.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIL-KUNSIDERAZZJONI DOVUTA GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

ikomplu jikkooperaw mill-qrib fil-livell ta' esperti f'konformità mal-Annessi I u II ta' din ir-Riżoluzzjoni;

jieħdu kont tal-prijoritajiet ta' dan il-Pjan ta' Ħidma fit-tħejjija tal-programm ta' ħidma annwali tal-Erasmus+ fil-qasam taż-żgħażagħ, inter alia rigward l-objettivi ġenerali tal-Programm ta' Ħidma annwali tal-Erasmus+, il-Ftehim ta' Sħubija mal-Kunsill tal-Ewropa, u l-Wiki taż-Żgħażagħ;

iħeġġu lil setturi oħra biex jieħdu kont tad-dimensjoni taż-żgħażagħ meta jifformulaw, jimplimentaw u jevalwaw politika u azzjonijiet f'oqsma oħrajn ta' politika, b'attenzjoni partikolari biex jiżguraw l-inklużjoni bikrija u effettiva tad-dimensjoni taż-żgħażagħ fil-proċess ta' żvilupp tal-politika;

jippromwovu rikonoxximent aħjar tal-kontribut tal-politika dwar iż-żgħażagħ għall-miri ġenerali tal-politika Ewropea li jindirizzaw liż-żgħażagħ, billi jqisu l-effetti pożittivi fuq iċ-ċittadinanza attiva, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, il-kultura u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll is-saħħa u l-benesseri.


(1)  COM(2015) 185 final.

(2)  Dok. 13635/15


ANNESS I

Azzjonijiet, Strumenti, Skadenzi bbażati fuq temi ta' prijorità

Azzjonijiet ibbażati fuq temi ta' prijorità

Metodu ta' ħidma/Strument

Riżultat u data prevista

Ref.

 

Prijorità A:

Żieda fl-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha, b'kont meħud tal-valuri Ewropej sottostanti

Kunsill u korpi preparatorji

Ir-rwol tas-settur taż-żgħażagħ fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti

L-ewwel nofs tal-2016

(poss.) Dibattitu tal-Kunsill

A1

Għarfien u tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza

Studju tal-Kummissjoni dwar sistemi u oqfsa ta' kwalità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea

It-tieni nofs tal-2016:

Il-Manwal għall-Implimentazzjoni

A2

Djalogu strutturat/Kunsill u korpi preparatorji

“Ħiliet u kompetenzi essenzjali taż-żgħażagħ f'Ewropa diversa, konnessa u inklużiva għall-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja tal-komunità u tax-xogħol.”

L-ewwel nofs tal-2017:

(poss.) Riżoluzzjoni tal-Kunsill

A3

Prijorità B:

Parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ kollha fil-ħajja demokratika u ċivili fl-Ewropa

Grupp ta' Esperti

Id-definizzjoni tal-kontribut speċifiku tal-ħidma fost iż-żgħażagħ kif ukoll it-tagħlim mhux formali u informali sabiex jiġu promossi ċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f'soċjetajiet diversi u tolleranti kif ukoll il-prevenzjoni tal-marġinalizzazzjoni u r-radikalizzazzjoni li potenzjalment jirriżultaw f'imġiba vjolenti.

L-ewwel nofs tal-2017

Rapport

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill

B1

Għarfien u tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza

Studju tal-Kummissjoni dwar l-impatt tal-volontarjat transnazzjonali permezz tas-Servizz Volontarju Ewropew

L-ewwel nofs tal-2017:

Rapport

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill b'reazzjoni għall-Istudju

B2

Seminar għal dawk li jfasslu l-politika dwar iż-żgħażagħ u l-isport:

“Id-demokrazija, iż-żgħażagħ u l-isport — approċċi transsettorjali għall-parteċipazzjoni attiva u l-involviment taż-żgħażagħ fil-ħajja ċivika u demokratika permezz tal-isport.”

It-tieni nofs tal-2017:

Rapport tas-seminar dwar l-aħjar prattiki u rakkomandazzjonijiet dwar kif approċċi transsettorjali bejn iż-żgħażagħ u l-isport jistgħu jippromovu valuri demokratiċi u l-involviment ċiviku fost iż-żgħażagħ.

B3

Prijorità C:

Transizzjoni aktar faċli taż-żgħażagħ miż-żgħożija għall-ħajja adulta, b'mod partikolari l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol

Tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni/id-Diretturi Ġenerali

“Il-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala għodda rikonoxxuta u ta' valur miżjud għall-kooperazzjoni transsettorjali fl-appoġġ għat-transizzjoni taż-żgħażagħ għall-ħajja adulta u d-dinja tax-xogħol.”

It-tieni nofs tal-2017:

Rapport dwar l-aħjar prattiki u rakkomandazzjonijiet dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala għodda rikonoxxuta u ta' valur miżjud għall-kooperazzjoni transsettorjali fl-appoġġ għat-transizzjoni taż-żgħażagħ għall-ħajja adulta u d-dinja tax-xogħol.

C1

Għarfien u tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza

Studju tal-Kummissjoni dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-intraprenditorija taż-żgħażagħ

It-tieni nofs tal-2017

Rapport

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill b'reazzjoni għall-Istudju

C2

Prijorità D:

Appoġġ għas-saħħa u l-benessri taż-żgħażagħ, inkluża s-saħħa mentali

Kunsill u korpi preparatorji

Il-kooperazzjoni transettorjali dwar il-parteċipazzjoni għall-promozzjoni tas-saħħa u l-benessri taż-żgħażagħ fit-transizzjoni għall-ħajja adulta, b'mod partikolari għal żgħażagħ bi problemi ta' saħħa mentali (1), li spiss ikunu relatati mat-transizzjoni tagħhom għall-ħajja adulta. Enfasi fuq il-kontribut possibbli tagħhom għas-soċjetà minflok il-problemi tagħhom.

(a)    L-ewwel nofs tal-2016

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill

D1

(b)    It-tieni nofs tal-2017

Tagħlim transsettorjali bejn il-pari fost l-Istati Membri

D2

Prijorità E:

Kontribut biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet tal-era diġitali għall-politika dwar iż-żgħażagħ, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u ż-żgħażagħ

Kunsill u korpi preparatorji

Approċċi ġodda fil-ħidma fost iż-żgħażagħ sabiex jiġi massimizzat l-iżvilupp tal-potenzjal u t-talent taż-żgħażagħ u l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà.

Ser jiġu enfasizzati modi ta' ħidma ġodda, moderni u attraenti fost iż-żgħażagħ, inklużi prattiki ta' ħidma fost iż-żgħażagħ online, sabiex jiġu riflessi x-xejriet il-ġodda fil-ħajja taż-żgħażagħ u jiġi massimizzat l-ambitu tal-ħidma fost iż-żgħażagħ biex jinkludi iktar żgħażagħ fl-attivitajiet tagħha.

It-tieni nofs tal-2016

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill

E1

Tagħlim bejn il-pari

Prattiki ġodda fil-ħidma fost iż-żgħażagħ u biex il-ħidma fost iż-żgħażagħ issir aktar attraenti għaż-żgħażagħ.

L-ewwel nofs tal-2017

Rapport dwar il-prattiki eżistenti li jirriflettu x-xejriet u rakkomandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni fil-prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ ta' kuljum

E2

Grupp ta' Esperti

“Ir-riskji, l-opportunitajiet, u l-implikazzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni għaż-żgħażagħ, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-politika dwar iż-żgħażagħ.”

It-tieni nofs tal-2017

Rapport tal-Grupp ta' Esperti

E3

Għarfien u tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza

Studju tal-Kummissjoni dwar l-impatt tal-Internet u l-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali fuq il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-ħidma fost iż-żgħażagħ

L-ewwel nofs tal-2018

Rapport

E4

Kunsill u korpi preparatorji

L-iżvilupp ta' metodi innovattivi fil-ħidma fost iż-żgħażagħ, inklużi l-għodod diġitali, biex jiġu indirizzati aħjar il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ b'mod aktar effiċjenti, intelliġenti u rilevanti u biex tiġi inkoraġġuta l-kooperazzjoni transettorjali.

L-ewwel nofs tal-2018

(poss.) Konklużjonijet tal-Kunsill, b'reazzjoni, fost oħrajn, għall-azzjonijiet E3 u E4 ta' hawn fuq.

E5

Prijorità F:

Kontribut biex ikun hemm reazzjoni għall-opportunitajiet u l-isfidi li jirriżultaw mill-għadd dejjem jikber ta' migranti u refuġjati żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea.

Grupp ta' Esperti

Id-definizzjoni tal-kontribut speċifiku tal-ħidma fost iż-żgħażagħ kif ukoll it-tagħlim mhux formali u informali sabiex ikun hemm reazzjoni għall-opportunitajiet u l-isfidi li jirriżultaw mill-għadd dejjem jikber ta' migranti u refuġjati żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea

It-tieni nofs tal-2018

Rapport

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill b'reazzjoni għall-Istudju

F1


Oħrajn

 

Suġġett

Strument/Azzjoni

Riżultat u data prevista

 

Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ

Tagħlim bejn il-pari

a.

Proposta tal-Kummissjoni għal qafas flessibbli

L-ewwel nofs tal-2016

Formalizzazzjoni tal-Qafas Flessibbli għal Attivitajiet ta' Tagħlim bejn il-Pari

O1

Għarfien u tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza

b.

Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u dwar ir-Rakkomandazzjoni dwar il-Mobbiltà ta' Voluntiera Żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea kollha

It-tieni nofs tal-2016:

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill b'reazzjoni għall-evalwazzjoni, inkluża l-evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Mobbiltà ta' Voluntiera Żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea kollha

O2

c.

Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ

L-ewwel nofs tal-2018:

Rapport Konġunt tal-UE dwar iż-Żgħażagħ

O3

Erasmus+

Għarfien u tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza

Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu ta' Erasmus+ u l-programmi predeċessuri tiegħu

L-ewwel nofs tal-2018:

Reazzjoni għall-evalwazzjoni f'kooperazzjoni mas-setturi rilevanti (Edukazzjoni, Taħriġ, Żgħażagħ, Sport)

O4


(1)  Inklużi problemi psikjatriċi serji u komuni, stress psikoloġiku u funzjonament psikoloġiku ħażin (temporanju) waqt perijodi ta' sfida fil-ħajja jew kriżijiet.


ANNESS II

Prinċipji relatati mas-sħubija u l-funzjonament ta' gruppi ta' esperti stabbiliti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qafas tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ (1 ta' Jannar 2016-31 ta' Diċembru 2018)

Sħubija:

Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-ħidma tal-gruppi hija volontarja u l-Istati Membri jistgħu jissieħbu fihom meta jridu.

L-Istati Membri li huma interessati jipparteċipaw fil-ħidma tal-gruppi ser jinnominaw esperti bħala membri tal-gruppi rispettivi. L-Istati Membri ser jiżguraw li l-esperti nnominati jkollhom esperjenza rilevanti fil-qasam rilevanti fil-livell nazzjonali. L-esperti nominati ser jiżguraw komunikazzjoni effettiva mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-eżerċizzju tan-nomina.

Kull grupp ta' esperti jista' jiddeċiedi li jistieden parteċipanti oħrajn: esperti indipendenti, rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, riċerkaturi fil-qasam taż-żgħażagħ, u partijiet ikkonċernati oħrajn, kif ukoll rappreżentanti ta' pajjiżi terzi. Kull grupp ta' esperti jista' jipproponi li jżid parteċipanti oħrajn għall-perijodu kollu tal-ħidma bir-rekwiżit li s-sħubija tagħhom tiġi approvata b'mod unanimu mill-grupp ta' esperti.

Mandat

Il-mandat tal-Grupp ta' Esperti għandu jiġi propost mill-Kummissjoni f'konformità mal-Paragrafu 12 tal-Pjan ta' Ħidma u aġġustat fid-dawl tal-kummenti li jsiru fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar iż-Żgħażagħ.

Proċeduri ta' ħidma

Il-gruppi ta' esperti ser jikkonċentraw fuq il-kisba ta' numru żgħir ta' riżultati konkreti u utli dwar is-suġġett mitlub.

Sabiex jiġi implimentat dan il-Pjan ta' Ħidma, kull grupp ta' esperti ser ikun responsabbli li jaħtar il-president jew il-kopresidenti tiegħu fl-ewwel laqgħa tal-grupp ta' esperti wara l-adozzjoni tal-Pjan ta' Ħidma. L-elezzjoni tal-Presidenti ser issir b'mod miftuħ u trasparenti kkoordinat mill-Kummissjoni li taġixxi bħala s-segretarjat tal-gruppi ta' esperti. Kull grupp ta' esperti ser iħejji skeda ta' ħidma skont dan il-Pjan ta' Ħidma.

Il-Kummissjoni ser tipprovdi għarfien espert, kif ukoll appoġġ loġistiku għall-ħidma tal-gruppi. Sa fejn possibbli, din ser tappoġġa lill-gruppi b'mezzi oħrajn adatti (inklużi studji rilevanti għall-qasam ta' ħidma tagħhom).

Rappurtar u informazzjoni

Il-Presidenti tal-gruppi ta' esperti ser jirrappurtaw lill-Grupp ta' Ħidma dwar iż-Żgħażagħ dwar il-progress li jkun sar u l-eżiti miksuba. Jekk ikun xieraq, il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar iż-Żgħażagħ ser jipprovdi aktar gwida lill-grupp ta' esperti sabiex jiġu garantiti l-eżitu u l-iskeda ta' żmien mixtieqa. Id-Diretturi Ġenerali għandhom jinżammu infurmati dwar l-eżiti miksuba.

L-aġendi tal-laqgħat u r-rapporti tal-laqgħat tal-gruppi kollha ser ikunu disponibbli għall-Istati Membri kollha, irrispettivament mil-livell ta' parteċipazzjoni tagħhom f'qasam partikolari. Ir-riżultati tal-gruppi ser jiġu ppubblikati.


15.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/10


Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa

(2015/C 417/02)

IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL:

WAQT LI JFAKKRU FL-ISFOND POLITIKU GĦAL DIN IL-KWISTJONI, B'MOD PARTIKOLARI:

1.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) (1) li tidentifika l-parteċipazzjoni bħala wieħed mill-oqsma ta' azzjoni u l-għan tiegħu li jappoġġa l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fid-demokrazija rappreżentattiva u fil-livelli kollha tas-soċjetà ċivili u fis-soċjetà inġenerali; u li tiddefinixxi l-inizjattiva ġenerali tal-inkoraġġiment u l-appoġġ tal-involviment u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fit-tfassil, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-politika permezz ta' djalogu strutturat kontinwu maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

2.

Ir-Riżoluzzjoni tal-20 ta' Mejju 2014 tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2014-2015 (2).

3.

Ir-Rakkomandazzjonijiet Konġunti tar-raba' ċiklu ta' ħidma dwar djalogu strutturat, iddefiniti waqt il-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ organizzata mill-Presidenza Lussemburgiża, 21–24 ta' Settembru 2015 (3).

JISSOTTOLINJAW LI:

4.

Id-demokrazija, il-pluraliżmu u ċ-ċittadinanza attiva huma valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dawn jinkludu l-valuri tal-libertà ta' espressjoni u t-tolleranza (4) u jimmiraw lejn l-inklużjoni taċ-ċittadini Ewropej kollha. Id-demokrazija ma għandhiex titqies bħala fatt ovvju u jeħtieġ li tiġi ppreservata u titrawwem b'mod kostanti.

5.

Iż-żgħażagħ fl-Ewropa juru appoġġ u twemmin ġenerali fis-sistema tad-demokrazija u l-korpi rappreżentattivi tagħha, iżda jikkritikaw il-mod kif is-sistema titħaddem fil-prattika u r-riżultati prodotti. (5)

6.

Ta' spiss qegħdin isibuha dejjem aktar diffiċli biex jidentifikaw ma' mezzi tradizzjonali ta' parteċipazzjoni politika bħal partiti politiċi u trade unions iżda jinvolvu ruħhom f'forom alternattivi li jippermettu aktar għażliet individwali bħal kampanji, petizzjonijiet, dimostrazzjonijiet u avvenimenti immedjati li għandhom l-għan li jippromwovu kawża speċifika u bidla tanġibbli f'ħajjithom. (6)

7.

It-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, b'mod partikolari l-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali u l-użu mobbli tagħhom joffru opportunitajiet ġodda għall-involviment fi proċessi politiċi u għall-informazzjoni dwarhom, iħaffu t-tixrid ta' informazzjoni u jaċċelleraw l-iżvilupp ta' forom ta' parteċipazzjoni alternattivi.

FIR-RIGWARD TAL-PROĊESS TA' DJALOGU STRUTTURAT, JIRRIKONOXXU LI:

8.

Id-djalogu strutturat huwa strument fi ħdan il-qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ biex iż-żgħażagħ jiġu involuti fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE. L-eżitu tar-raba' ċiklu ta' ħidma ta' 18-il xahar fuq il-prijorità tematika ġenerali “it-tisħiħ tal-awtonomija taż-żgħażagħ li jindirizza l-aċċess għad-drittijiet u l-importanza tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ (7)” huwa bbażat fuq ir-riżultati miksuba mill-konsultazzjonijiet ma' żgħażagħ qabel u matul il-Presidenza Taljana, Latvjana u dik Lussemburgiża kif ukoll il-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f'Ruma f'Ottubru 2014, f'Riga f'Marzu 2015 u fil-Lussemburgu f'Settembru 2015 (8).

9.

Ir-riżultati tad-djalogu bejn iż-żgħażagħ u r-rappreżentanti tal-politika jikkostitwixxu kontribut importanti għal din ir-riżoluzzjoni, inklużi l-perspettivi taż-żgħażagħ, il-ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ u l-esperti oħra fil-qasam taż-żgħażagħ u jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' politiki tal-UE effettivi u bbażati fuq l-evidenza.

JIKKUNSIDRAW LI:

10.

L-Unjoni Ewropea tiddependi fuq żgħażagħ impenjati favur il-prinċipji tad-demokrazija u valuri Ewropej.

11.

Il-politika Ewropea u l-politika b'mod ġenerali għandhom jirreaġixxu għall-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ. Għaldaqstant jeħtieġ li l-kwistjonijiet politiċi jkunu trasparenti u jiġu kkomunikati liċ-ċittadini kollha, inkluż liż-żgħażagħ. Jeħtieġ li ż-żgħażagħ jifhmu l-kwistjonijiet involuti sabiex jinħoloq interess u jiġi ffaċilitat l-impenn politiku. L-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fi proċessi sinifikanti tat-teħid ta' deċiżjonijiet għandhom jiġu pprovduti minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet minn oqsma u livelli differenti ta' politika u jeħtieġ li jkollhom impatt.

12.

Il-kunċett ta' parteċipazzjoni politika jinkludi, l-ewwel nett, ir-rappreżentazzjoni taż-żgħażagħ fl-istrutturi ta' demokrazija rappreżentattiva, jiġifieri li jipparteċipaw f'elezzjonijiet bħala votanti, jikkontestaw f'elezzjonijiet bħala kandidati u jipparteċipaw f'partiti politiċi. Il-parteċipazzjoni politika tista' sseħħ ukoll permezz ta' sħubija f'organizzazzjonijiet (taż-żgħażagħ) li jippromwovu l-interessi taż-żgħażagħ, dibattiti politiċi wiċċ imb wiċċ jew online u forom oħra ta' tiswir ta' opinjonijiet u espressjonijiet kulturali. Il-parteċipazzjoni politika tista' tiġi esperjenzata wkoll fil-qafas ta' attivitajiet u azzjonijiet ta' edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza u d-drittijiet tal-bniedem biex ikun hemm bidla pożittiva fis-soċjetà.

13.

Permezz tal-parteċipazzjoni fil-proċessi politiċi, iż-żgħażagħ jistgħu jtejbu l-fehim tagħhom dwar il-proċessi tal-iffurmar ta' opinjonijiet u tal-interessi differenti inkwistjoni. Fuq livell personali, huma jiżviluppaw ħiliet soċjali, responsabbiltà, fiduċja fihom infushom, inizjattiva, attitudni kritika kif ukoll ħiliet ta' komunikazzjoni u nnegozjar, sens ta' kompromess, empatija u rispett lejn l-opinjonijiet tal-oħrajn.

14.

Il-karatteristiċi tal-proċessi politiċi effettivi u reali tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ jinkludu:

Rilevanza tal-kwistjoni u l-impatt reali fuq il-ħajjiet taż-żgħażagħ

Prattika u esperjenza tal-parteċipazzjoni fil-ħajja ta' kuljum f'kuntesti differenti bħall-familja, il-komunità, l-iskola, il-post tax-xogħol, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-ħajja lokali (soċjalizzazzjoni politika)

Rispons u segwitu komprensibbli mill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet

Inklużività u aċċess ugwali għaż-żgħażagħ kollha fir-rigward tal-ġeneru, l-ambjent etniku, kulturali, edukattiv u soċjali, l-orjentazzjoni sesswali, l-età u l-ħtiġiet speċifiċi.

15.

Il-politika taż-żgħażagħ, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom rwol importanti f'dan ir-rigward billi jippromwovu ċ-ċittadinanza attiva, opportunitajiet ta' parteċipazzjoni politika u l-prevenzjoni tal-emarġinazzjoni u r-radikalizzazzjoni vjolenti, speċjalment f'żoni lokali, fejn il-ħidma miftuħa fost iż-żgħażagħ u l-ħidma ta' sensibilizzazzjoni fost iż-żgħażagħ jindirizzaw liż-żgħażagħ.

16.

Il-benesseri fiżiku u mentali u s-salvagwardja tal-ħtiġiet bażiċi inklużi aspetti marbutin mal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa, l-impjieg, is-sigurtà finanzjara u l-integrazzjoni soċjali huma neċessarji għall-parteċipazzjoni bis-sħiħ u effettiva min-naħa taż-żgħażagħ.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI FL-ISFERI TA' KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U B'RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ BIEX:

17.

Jistabbilixxu, jimplimentaw jew jiżviluppaw ulterjorment strateġiji, programmi, strutturi jew mekkaniżmi rilevanti oħra li huma ta' natura nazzjonali, reġjonali u/jew lokali għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ kollha, speċjalment iż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet. Dawn il-mekkaniżmi għandhom ikunu bbażati fuq l-għarfien u l-evidenza, mibnijin fuq il-kooperazzjoni transettorjali u jinkludu l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. It-tfassil ta' strateġiji effettivi ta' parteċipazzjoni għandu jinkludi l-involviment tal-grupp fil-mira matul il-fażijiet ta' ppjanar, implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni. L-istrateġiji jistgħu jinkludu l-prijoritajiet li ġejjin.

Edukazzjoni formali u tagħlim mhux formali

18.

Irawmu u jippromwovu kooperazzjoni u sħubijiet transettorjali bejn dawk li joffru edukazzjoni formali, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk li jipprovdu ħidma fost iż-żgħażagħ sabiex jiġu żviluppati approċċi integrati ta' programmi ta' edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza filwaqt li jiġu involuti żgħażagħ, għalliema, ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ, ġenituri u atturi rilevanti oħra.

19.

Isaħħu l-istrutturi parteċipattivi sostenibbli f'kuntesti ta' edukazzjoni formali u mhux formali sabiex jiġi promoss l-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi soċjali relatati mal-valuri demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem bħal-libertà ta' espressjoni u r-rispett għad-diversità, permezz tal-prattika ta' kuljum tal-prinċipji demokratiċi.

20.

Jippromwovu l-istabbiliment u l-iżvilupp ta' organizzazzjonijiet u/jew strutturi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali li jirrappreżentaw l-interessi tal-istudenti fil-konfront ta' istituzzjonijiet edukattivi formali.

21.

Jippromwovu l-iżvilupp ta' programmi dwar il-litteriżmu medjatiku li jippromwovu l-kapaċità li l-informazzjoni fis-soċjetà tal-għarfien tal-lum tiġi analizzata b'mod kritiku kif ukoll programmi dwar il-litteriżmu informatiku li jimmiraw lejn l-iżvilupp tal-ħiliet teknoloġiċi tal-utent li jippermettu l-aċċess, il-ġestjoni, il-valutazzjoni u l-ħolqien ta' informazzjoni online utli.

Opportunitajiet ta' parteċipazzjoni lokali u reġjonali

22.

Jippermettu u jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' proċessi ta' parteċipazzjoni bħal kunsilli taż-żgħażagħ b'kollaborazzjoni mill-qrib ma' awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, bil-għan li ż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jgħidu tagħhom fil-proċessi lokali u reġjonali tat-teħid ta' deċiżjonijiet.

23.

Jiżviluppaw u jipprovdu informazzjoni u opportunitajiet ta' taħriġ għal dawk li jfasslu l-politika dwar il-metodi u l-għodod ta' komunikazzjoni u parteċipazzjoni xierqa u maħluqin apposta għaż-żgħażagħ sabiex tiġi ffaċilitata mentalità miftuħa u riċettiva lejn iż-żgħażagħ.

24.

Jikkunsidraw jekk huwiex xieraq li titbaxxa l-età tal-votazzjoni għall-elezzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali għal 16-il sena fir-rigward taċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-oqfsa legali nazzjonali.

Forom alternattivi u parteċipazzjoni elettronika

25.

Jirrikonoxxu u jappoġġaw liż-żgħażagħ, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta' forom differenti ta' parteċipazzjoni politika inklużi petizzjonijiet, dimostrazzjonijiet, kampanji kif ukoll l-użu tal-kultura, l-arti u l-isport, peress li dawn l-istrumenti jippermettu diversità fl-espressjoni ta' opinjonijiet u fl-aċċess għall-parteċipazzjoni politika, speċjalment meta jiġu indirizzati żgħażagħ b'inqas opportunitajiet.

26.

Jiżviluppaw għodod diġitali għall-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ ikkombinati b'elementi wiċċ imb wiċċ u jiżviluppaw taħriġ adegwat għall-għalliema, il-ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ, min iħarreġ u multiplikaturi li jaħdmu ma' gruppi differenti fil-mira f'kuntesti ta' edukazzjoni formali u tagħlim mhux formali sabiex isir kuntatt maż-żgħażagħ fil-livelli kollha; jagħrfu u jinvolvu kanali eżistenti ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ u fornituri ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali.

27.

Jinvolvu l-qasam taż-żgħażagħ fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali għall-Ewropa, filwaqt li jindirizzaw suġġetti bħall-ħiliet u l-kompetenzi diġitali, l-użu online aktar sikur u l-ġlieda kontra l-kontenuti illegali bħar-razziżmu, il-ksenofobija u s-sejħiet għall-vjolenza.

Djalogu ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi

28.

Jappoġġaw, fejn xieraq, proċessi ta' informazzjoni u komunikazzjoni u għodod li jippermettu l-fehim u l-approprjazzjoni miż-żgħażagħ tal-politiki pubbliċi, filwaqt li jenfasizzaw l-aspetti rilevanti għaż-żgħażagħ u jagħmlu użu effettiv mill-għodod differenti tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-ICT.

29.

Jesploraw u jespandu l-opportunitajiet għad-djalogu fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali bejn iż-żgħażagħ u dawk li jfasslu l-politika mill-oqsma kollha tal-politika li jaffettwaw liż-żgħażagħ.

30.

Iħeġġu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet u fi ħdan l-istrutturi formali tad-demokraziji rappreżentattivi, bħall-partiti politiċi, sabiex il-partiti politiċi jinteressaw ruħhom aktar fl-iżvilupp tal-proposti tal-politika li jwieġbu għall-ħtiġiet taż-żgħażagħ.

31.

Jappoġġaw kampanji u avvenimenti ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej permezz tal-użu ta' għodod interattivi online u ta' streaming kif ukoll programmi ta' sensibilizzazzjoni speċifiċi li għandhom fil-mira tagħhom nies li ser jivvutaw għall-ewwel darba u żgħażagħ b'inqas opportunitajiet.

32.

Jiżviluppaw kultura ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha tal-gvern li tappoġġa proċessi ta' parteċipazzjoni minn isfel għal fuq immexxija miż-żgħażagħ u li twieġeb għall-inizjattivi informali għaż-żgħażagħ.

33.

Jippromwovu u jiżguraw li l-programmi tal-UE li jappoġġaw liż-żgħażagħ, bħall-Erasmus+ jappoġġaw:

it-tixrid ta' informazzjoni adatta għaż-żgħażagħ dwar l-iżviluppi politiċi attwali li jaffettwaw liż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali,

it-twettiq ta' kampanji ta' informazzjoni mmirati lejn iż-żgħażagħ matul l-elezzjonijiet nazzjonali u Ewropej,

il-ħolqien u l-iżvilupp ta' pjattaformi għall-promozzjoni taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li jirrappreżentaw u jaħdmu favur l-interessi taż-żgħażagħ,

l-involviment ta' fornituri operazzjonali ta' informazzjoni bħall-istrutturi nazzjonali ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ u l-pjattaformi Ewropej bħal ERYICA, EYCA, Eurodesk u l-Portal Żgħażagħ Ewropej,

l-inizjattivi transnazzjonali għaż-żgħażagħ u d-Djalogu Strutturat.

Ħidma fost iż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ

34.

Jappoġġaw u jiżviluppaw aktar inizjattivi ta' ħidma fost iż-żgħażagħ imfasslin apposta li jiffokaw fuq l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, l-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-edukazzjoni interkulturali u dik dwar twemmin differenti, permezz tal-użu ta' taħriġ mhux formali u metodi bejn il-pari, sabiex titrawwem l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà u jiġu miġġielda t-tendenzi estremisti, ir-radikalizzazzjoni vjolenti u d-diskors ta' mibegħda; jisfruttaw prattiki tajbin li jirriżultaw minn netwerks eżistenti ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ, bħaċ-ċentru Ewropew tal-għarfien għall-politika taż-żgħażagħ (EKCYP) u ċ-Ċentru għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ SALTO.

35.

Isaħħu l-kapaċità tal-fornituri ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ sabiex jippermettu t-tixrid ta' informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' parteċipazzjoni politika speċjalment għaż-żgħażagħ li ma mhumiex parti minn moviment organizzat taż-żgħażagħ jew organizzazzjoni taż-żgħażagħ.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI BIEX:

36.

Tagħmel disponibbli informazzjoni dwar prattiki tajbin u stejjer ta' suċċess ta' proġetti fl-Istati Membri fil-kuntest tal-programm Erasmus+ dwar inizjattivi li għandhom bħala għan il-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ; tieħu kont ta' studji ta' riċerka u inizjattivi oħra f'dan il-qasam u xxerred ir-riżultati tagħhom.

37.

Tistabbilixxi rapport fil-qosor ta' studji ta' riċerka disponibbli inklużi fost oħrajn dawk tal-Grupp tar-Riċerkaturi Żgħażagħ Ewropej, dwar il-parteċipazzjoni elettronika u l-medda ta' mezzi ta' komunikazzjoni diġitali differenti u għodod online kif ukoll analiżi dwar kif dawn l-għodod jintużaw miż-żgħażagħ, sabiex tinkiseb stampa ġenerali dwar metodoloġiji eżistenti u effettivi.

38.

Tiddefinixxi l-kontribut speċifiku tal-ħidma fost iż-żgħażagħ kif ukoll tat-tagħlim mhux formali u informali għat-trawwim taċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f'soċjetajiet ta' kulturi differenti u tolleranti kif ukoll għall-prevenzjoni tal-emarġinazzjoni u r-radikalizzazzjoni li jistgħu potenzjalment iwasslu għal imġiba vjolenti.

39.

Tippubblika permezz ta' għodod ta' komunikazzjoni li jistgħu jiġu aċċessati faċilment, informazzjoni mfassla apposta għaż-żgħażagħ li tikkjarifika u/jew tispjega żviluppi f'politiki u deċiżjonijiet differenti tal-UE li b'mod partikolari jaffettwaw liż-żgħażagħ, sabiex dawn isiru trasparenti u jinftiehmu.


(1)  ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

(2)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 5.

(3)  12651/15.

(4)  It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 2.

“L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

(5)  Youth participation in democratic life — Final Report, London School of Economics, EACEA 2010/03, Frar 2013.

(6)  Parteċipazzjoni politika u Ċittadinanza tal-UE: Perċezzjonijiet u mġiba taż-żgħażagħ, EACEA, Kummissjoni Ewropea, 2013.

(7)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 1.

(8)  Dokumenti 14429/14, 8095/15 u 12651/15.


ANNESS I

SFOND POLITIKU

1.

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li fl-Artikolu 165 jistipula li azzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tkun immirata lejn “l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-Ewropa”.

2.

Il-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal tan-Nazzjonijiet Uniti li tiddeskrivi d-dritt tat-tfal u ż-żgħażagħ li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom b'mod ħieles fuq il-kwistjonijiet kollha li jolqtuhom.

3.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà li tistipula li l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ għandha rwol ewlieni fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti billi tippromwovi l-valuri komuni Ewropej, trawwem l-inklużjoni soċjali, isaħħaħ il-fehim reċiproku u t-tolleranza.

4.

Id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tas-17 ta' Marzu 2015 tal-Ministri għall-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni.

5.

Ir-Riżoluzzjoni tal-20 ta' Mejju 2014 tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-ħarsa ġenerali lejn il-proċess ta' djalogu strutturat inkluż l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ li stipulat li l-prijorità ġenerali għaċ-ċiklu ta' 18-il xahar mill-1 ta' Lulju 2014 sal-31 ta' Diċembru 2015 hi t-tisħiħ tal-awtonomija taż-żgħażagħ li tindirizza l-aċċess għad-drittijiet u l-importanza tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ.

6.

Id-Dikjarazzjoni tat-Tieni Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (Brussell, 27-30 ta' April 2015) li ddikjarat li l-parteċipazzjoni hija waħda mill-prinċipji ewlenin tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, peress li l-Konvenzjoni kienet konvinta li ma jistax ikun hemm aktar żvilupp fil-ħidma fil-qasam iż-żgħażagħ ħlief jekk iż-żgħażagħ jiġu involuti b'mod attiv mill-bidu fil-livelli kollha — Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali.


ANNESS II

PRIJORITÀ GĦAD-DJALOGU STRUTTURAT EWROPEW FIL-QASAM TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ MATUL IL-PERIJODU MILL-1 TA' JANNAR 2016 SAT-30 TA' ĠUNJU 2017

Il-qasam taż-żgħażagħ għandu prattika stabbilita sew ta' kooperazzjoni mal-Presidenza fil-kuntest tad-Djalogu Strutturat bejn l-awtoritajiet pubbliċi u ż-żgħażagħ. Il-prijorità tematika ġenerali għall-Kooperazzjoni Ewropea għad-Djalogu Strutturat fil-qasam taż-żgħażagħ għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2016 — 30 ta' Ġunju 2017 ser tkun “Il-possibbiltà għaż-żgħażagħ kollha li jinvolvu ruħhom f'Ewropa diversa, konnessa u inklużiva — Lesti għall-Ħajja, Lesti għas-Soċjetà”. Din it-tema tirrifletti r-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u tikkunsidra r-reazzjonijiet fil-fażi ta' qabel il-konsultazzjoni, li twettqet mit-Triju ta' Presidenzi li jmiss. Din it-tema ser tkun l-element komuni li ser jiżgura l-kontinwità u l-konsistenza fil-ħidma tat-tliet Presidenzi, f'konformità mal-Pjan ta' Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ 2016-2018.


ANNESS III

PRINĊIPJI GĦAD-DJALOGU STRUTTURAT EWROPEW FIL-QASAM TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ MATUL IL-PERIJODU MILL-1 TA' JANNAR 2016 SAT-30 TA' ĠUNJU 2017

1.

L-arkitettura simplifikata ta' 18-il xahar fil-qafas tal-kooperazzjoni tat-triju ta' presidenzi dwar id-Djalogu Strutturat għandha tinżamm u tiġi żviluppata aktar biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-prijorità tematika ġenerali u biex tkun possibbli ġestjoni aħjar tal-ħin għall-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali f'konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ.

2.

Sabiex jittejbu r-rappreżentanza u d-diversità taż-żgħażagħ fil-proċess, għandhom jiġu investiti aktar sforzi fil-ħidma ta' sensibilizzazzjoni tal-gruppi differenti fil-mira li huma affettwati mill-prijorità ġenerali, inklużi l-użu ta' konsultazzjonijiet online ikkombinati ma' laqgħat wiċċ imb wiċċ, metodi li jikkombinaw modi differenti ta' espressjoni u avvenimenti ta' konsultazzjoni lokali li jinvolvu NGOs lokali, organizzazzjonijiet (ta' informazzjoni) għaż-żgħażagħ, awtoritajiet lokali u gruppi ta' ħidma nazzjonali.

3.

Sabiex il-kwalità tal-eżiti tad-Djalogu Strutturat tiġi arrikkita, il-ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ, l-esperti fil-qasam taż-żgħażagħ, l-esperti akkademiċi, il-fornituri professjonali ta' servizz għaż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ rilevanti affettwati mill-prijorità ġenerali għandhom jipparteċipaw f'konsultazzjonijiet, fejn rilevanti, u f'Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ.

4.

Sabiex ikun iffaċilitat is-segwitu tal-eżiti tad-Djalogu Strutturat, it-Triju ta' Presidenzi għandu jinforma liż-żgħażagħ li pparteċipaw fil-proċessi ta' konsultazzjoni u fil-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, permezz ta' nota ta' spjegazzjoni jew b'mezzi oħra ta' komunikazzjoni, dwar il-livell sa fejn l-eżitu finali tad-Djalogu Strutturat ġie kkunsidrat mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fit-tielet fażi taċ-ċiklu.

5.

Sabiex ikun żgurat impatt effettiv tad-Djalogu Strutturat, it-Triju ta' Presidenzi għandu jinvolvi, fejn rilevanti, atturi oħra tal-UE, bħall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

6.

Il-prijorità ġenerali għaċ-ċiklu li jmiss tat-Triju ta' Presidenzi (mill-1 ta' Lulju 2017 sal-31 ta' Diċembru 2018) għandha tiġi ddefinita qabel il-bidu tal-mandat tiegħu u tiġi ppreżentata fil-ħin opportun għall-konsultazzjoni liż-żgħażagħ u l-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali qabel l-adozzjoni tagħha.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

15.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/17


Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (mill-2010 sal-2018)

(2015/C 417/03)

Il-kapital uman u soċjali taż-żgħażagħ huwa wieħed mill-ikbar assi li għandha l-Ewropa għall-ġejjieni. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jinvestu fil-potenzjal li d-90 miljun żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej jirrappreżentaw rigward ħiliet, kreattività u diversità.

Il-kriżi ekonomika tat daqqa ta' ħarta kbira liż-żgħażagħ. Żiedet id-diskrepanza bejn dawk b'iktar opportunitajiet u dawk b'inqas. Kulma jmur, uħud miż-żgħażagħ qegħdin jiġu esklużi mill-ħajja soċjali u ċivika. Agħar minn hekk, xi żgħażagħ qegħdin jissograw li jitilfu l-interess, li jisfaw emarġinati jew saħansitra li jaqgħu għar-radikalizzazzjoni vjolenti.

Għalhekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri komplew jaħdmu flimkien fil-perjodu mill-2013 sal-2015, sabiex tittejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, u l-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni tagħhom. Quddiem id-diskrepanza soċjoekonomika li qiegħda tiżdied, il-politika trid tkompli tindirizza l-problemi soċjali kbar li qegħdin jiffaċċjaw bosta żgħażagħ. Jeħtieġ li jiġu identifikati soluzzjonijiet sostenibbli kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali u li tiġi evitata r-radikalizzazzjoni vjolenti. Dan jeħtieġ iżjed kooperazzjoni sistematika f'firxa ta' politiki fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, fosthom l-impjieg, l-edukazzjoni, it-taħriġ, in-nondiskriminazzjoni, il-politika soċjali, iċ-ċittadinanza (inkluża ċ-ċittadinanza tal-Unjoni) u ż-żgħażagħ, iżda anke l-kultura, l-isport u s-saħħa.

Mill-2016 sal-2018, il-qafas ta' kooperazzjoni għaż-żgħażagħ (1) għandu jimmira biex tingħata s-setgħa liż-żgħażagħ b'diversità li kulma jmur dejjem tiżdied, speċjalment dawk li qegħdin jissograw l-esklużjoni. Dan għandu jgħinhom isibu impjiegi ta' kwalità u jipparteċipaw fil-ħajja soċjali. Il-finanzjament tal-UE bil-programm Erasmus+ se jimxi id f'id mal-kooperazzjoni fil-politika dwar il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ, l-attivitajiet volontarji u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika. Strumenti oħra, fosthom il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), se jipprovdu finanzjament immirat għall-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u għall-iżvilupp tal-kapital uman tagħhom.

1.   Introduzzjoni

L-UE tappoġġa l-impjieg, l-impjegabbiltà u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ, speċjalment bl-aġenda tagħha għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, bl-istrateġija Ewropa 2020 u permezz tal-fondi tal-UE, fosthom l-Erasmus+, il-FSE u l-YEI.

Barra minn hekk, l-UE tappoġġa, tikkoordina u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri permezz ta' qafas ta' kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ f'konformità mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 165 tat-TFUE. Il-qafas ta' kooperazzjoni jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex:

joħolqu iżjed opportunitajiet u opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ kollha fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol; u

jippromwovu ċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà taż-żgħażagħ kollha.

Permezz ta' azzjonijiet li jinkludu l-ġbir ta' evidenza, it-tagħlim reċiproku u d-djalogu maż-żgħażagħ, il-qafas jappoġġa l-azzjoni fi tmien oqsma: l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjiegi u l-imprenditorija, is-saħħa u l-benesseri, il-parteċipazzjoni, l-attivitajiet volontarji, l-inklużjoni soċjali, iż-żgħażagħ u d-dinja, u l-kreattività u l-kultura.

Dan ir-rapport jevalwa l-progress li sar biex jintlaħqu l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-qafas ta' kooperazzjoni fil-perjodu mill-2013 sal-2015, abbażi ta' valutazzjoni tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ u ta' miżuri ta' politika li ttieħdu fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri.

2.   Iż-Żgħażagħ Ewropej illum  (2)

Mill-2013, l-effetti tal-kriżi komplew jinħassu bil-kbir miż-żgħażagħ. It-tranżizzjoni mit-tfulija għall-ħajja adulta saret iktar kumplessa u individwalizzata, xejra li żdiedet ġmielha mill-2008 'l hawn. Din it-tranżizzjoni hija kkaratterizzata minn bidliet ewlenin — mill-edukazzjoni għax-xogħol, mid-dipendenza finanzjarja għall-ġestjoni finanzjarja proprja — u minn ħtieġa li tinkiseb l-awtonomija, li tesponi ż-żgħażagħ għal kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jvarjaw. Il-politiki għandhom jakkumpanjaw liż-żgħażagħ f'dan il-vjaġġ u jgħinuhom iwettqu l-potenzjal kollu tagħhom.

Id-data ta' hawn taħt tagħti idea tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ ta' bejn il-15 u d-29 sena (3).

Din il-ġenerazzjoni ta' żgħażagħ għandha edukazzjoni aħjar minn kwalunkwe ġenerazzjoni oħra …

L-indikaturi dwar l-edukazzjoni juru xejriet pożittivi. Minkejja li għad hemm diverġenzi konsiderevoli madwar l-UE, issal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien qiegħed jonqos (4).

Ir-rati ta' ksib tal-edukazzjoni għolja tjiebu minn 33,8 % fl-2010 għal 37,9 % fl-2014 (5). Anke jekk ir-rata tal-qgħad fl-UE żdiedet għal dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja, xorta waħda din tibqa' ferm iżjed baxxa minn ta' dawk bl-inqas livell ta' edukazzjoni. Madankollu, dawn il-gruppi jista' jkollhom iħabbtu wiċċhom man-nuqqas ta' biżżejjed impjieg u li jkunu kkwalifikati ż-żejjed għall-opportunitajiet li jkun hemm fis-suq tax-xogħol.

Bosta żgħażagħ jibnu netwerks soċjali li jgħaqqdu flimkien il-konnettività globali mal-għeruq lokali: Fl-2014, 82 % pparteċipaw f'netwerks soċjali fuq l-Internet. Iż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom f'għamliet ġodda ta' parteċipazzjoni politika, ta' sikwit billi jużaw il-midja soċjali, iżda għandhom it-tendenza li jivvutaw inqas mill-ġenerazzjonijiet imdaħħlin iktar fiż-żmien. Xorta waħda, ħafna jibqgħu membri attivi tal-komunità lokali tagħhom; fl-2014, madwar wieħed minn kull tnejn kienu jiffurmaw parti minn tal-inqas organizzazzjoni waħda; wieħed minn kull erbgħa jipparteċipa fil-volontarjat (6). Din l-istampa differenzjata tal-involviment taż-żgħażagħ tixħet dubji fuq kif jinftiehem il-kunċett taċ-ċittadinanza llum il-ġurnata.

… iżda l-kriżi ħolqot diviżjonijiet ġodda

Bosta żgħażagħ isibuha diffiċli biex isibu impjiegi ta' kwalità u dan ixekkilhom ferm fi triqthom lejn l-indipendenza. Minkejja li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kien hemm tnaqqis mill-eqqel livell fl-2013, il-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' problema serja: 8.7 miljun żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej ma jistgħux isibu xogħol (7) u l-proporzjon ta' dawk li qegħdin jiffaċċjaw qgħad fit-tul jew xogħol part-time involontarju għadu għoli.

B'kollox, 13,7 miljun żagħżugħ u żagħżugħa la huma impjegati u lanqas qegħdin jitgħallmu jew jitħarrġu (NEETs) (7). Qrib is-27 miljun ruħ qegħdin jissograw il-faqar jew l-esklużjoni soċjali. Ir-rati tal-faqar huma ogħla fost iż-żgħażagħ milli għall-popolazzjoni ġenerali u x-xogħol part-time involontarju jew il-kuntratti temporanji għal żmien twil jesponu din il-ġenerazzjoni għal riskju ta' faqar fit-tul (8).

In-nuqqas ta' attività, il-faqar u l-esklużjoni ma jaffettwawx b'mod indaqs. Dawk li jibdew il-ħajja b'inqas opportunitajiet għandhom it-tendenza li jakkumulaw iż-żvantaġġi. Iż-żgħażagħ minn sfond ta' migrazzjoni, dawk li ma tantx jiksbu livell għoli ta' edukazzjoni jew iż-żgħażagħ bi problemi ta' saħħa, għandhom iżjed probabbiltà li jsiru NEETs (9). Il-qgħad fost iż-żgħażagħ li twieldu fil-pajjiż u li għandhom ġenituri immigranti huwa kważi 50 % ogħla minn ta' fost żgħażagħ oħra fl-UE (10).

Id-diskrepanza qiegħda tikber bejn minn banda, dawk iż-żgħażagħ li jistudjaw, huma fiduċjużi li jsibu impjieg u jinvolvu ruħhom fil-ħajja soċjali, ċivika u kulturali u mill-banda l-oħra, dawk li ftit li xejn ikollhom tama ta' ħajja sodisfaċenti u li jissograw l-esklużjoni u l-emarġinazzjoni.

Dawn id-diskrepanzi qegħdin jheddu li jimminaw in-nisġa soċjali u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli fit-tul (11). It-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-Ewropa jagħmilha saħansitra iktar meħtieġ u urġenti li jiġu integrati ż-żgħażagħ kollha (filwaqt li tkun irrispettata d-diversità tagħhom).

Iż-żgħażagħ li jkunu fuq in-naħa l-ħażina ta' din id-diskrepanza jsibuha diffiċli biex jesprimu l-fehma politika tagħhom. Inqas ma jkunu mgħallma dwar attivitajiet soċjali jew inqas ma jkunu involuti fihom, inqas ma jieħdu sehem fil-votazzjoni, fil-volontarjat jew fl-attivitajiet kulturali (12). Pereżempju, in-NEETs ikollhom inqas fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fl-attivitajiet soċjali u ċiviċi u ma jipparteċipawx daqs il-pari tagħhom.

L-ebda politika waħidha ma hija s-soluzzjoni, iżda l-politiki kollha jistgħu jgħinu

Iż-żgħażagħ kollha jistħoqqilhom opportunitajiet ġusti u indaqs, iżda dan jirrikjedi investiment fit-tul. Fl-oqsma rispettivi tagħhom ta' kompetenza, l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jimmobilizzaw il-politiki kollha li jistgħu jgħinu biex jitjiebu l-prospetti taż-żgħażagħ.

Sabiex is-sinjali reċenti ta' rkupru jissarrfu fi tkabbir sostenibbli u dejjiemi, l-UE ħadet azzjoni biex jiġu xprunati l-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, inklużi l-isforzi biex iż-żgħażagħ jiġu mgħejuna biex jerġgħu jkollhom impjiegi ta' kwalità. L-UE u l-Istati Membri jistgħu jibnu l-isforzi tagħhom fuq il-Garanzija għaż-Żgħażagħ (13), fuq il-Fond Soċjali Ewropew u fuq il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa.

L-impjiegi huma kruċjali iżda mhux dejjem ikunu biżżejjed biex tiġi żgurata inklużjoni sħiħa. L-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jagħtu liż-żgħażagħ il-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol u jistgħu jgħinu biex jingħelbu l-inugwaljanzi u biex tiġi promossa mobbiltà għall-aħjar. L-isfida urġenti għall-edukazzjoni u għat-taħriġ fl-UE kollha hija li jkun hemm investiment u mmodernizzar malajr biżżejjed biex jitwettaq dan il-potenzjal (14). Il-politika dwar iż-żgħażagħ, lil hinn mill-iskejjel, tista' tgħin ukoll liż-żgħażagħ biex ikollhom taħlita tajba ta' ħiliet u biex ikunu ppreparati għall-ħajja u għax-xogħol.

Iż-żgħażagħ għandhom ikunu kapaċi jikbru f'komunitajiet inklużivi u pluralisti, li jkunu bbażati fuq il-valuri demokratiċi Ewropej, fuq l-istat tad-dritt u fuq id-drittijiet fundamentali. Sabiex jiġu ssalvagwardjati t-tolleranza, d-diversità u r-rispett reċiproku, l-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà tinvolvi azzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin mnejn tinbet il-vjolenza estremista u biex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni, inkluż billi jiġu promossi l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ (15). L-attakki terroristiċi ta' din is-sena, li twettqu f'Pariġi u f'Kopenħagen, wasslu urġenza ġdida għal dawn l-isfidi kumplessi. F'dikjarazzjoni adottata f'Pariġi f'Marzu tal-2015, il-Kummissjoni u l-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE impenjaw ruħhom li jieħdu aktar azzjoni sabiex jitħarsu l-valuri Ewropej.

3.   L-azzjoni tal-UE u tal-Istati Membri mill-2013 sal-2015  (16)

3.1.   Azzjoni tal-UE: l-impjegabbiltà, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni

L-azzjoni fl-oqsma kollha ta' politika tal-UE

L-impjieg taż-żgħażagħ u l-impjegabbiltà baqgħu prijoritajiet ewlenin matul il-perjodu mill-2013 sal-2015.

Sabiex jitjiebu l-eżiti fl-edukazzjoni, l-Istati Membri ħadu azzjoni fil-qafas tas-Semestru Ewropew biex jitnaqqas il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien u biex jiġi promoss il-ksib tal-edukazzjoni għolja sabiex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020. L-isforzi tagħhom kienu mirfuda mill-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, kif ukoll mill-programm Erasmus+. Mill-2012 'il hawn, wara Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, l-Istati Membri bdew jintroduċu miżuri biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minn dak li jitgħallmu barra mill-edukazzjoni formali.

L-UE u l-Istati Membri ħadu l-impenn li jnaqqsu l-qgħad fost iż-żgħażagħ billi jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet mill-edukazzjoni għax-xogħol. Fl-2013, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ ġiet introdotta bħala qafas strutturali biex iż-żgħażagħ jiġu offruti impjieg, apprendistat, skema ta' taħriġ jew tkomplija tal-edukazzjoni fi żmien erba' xhur minn meta jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien jew minn meta jsiru qiegħda. Il-FSE u l-YEI warrbu minn tal-inqas EUR 12,7 biljun għall-attivazzjoni u għall-impjieg taż-żgħażagħ. Mill-2014 sal-2020, se jintefqu madwar EUR 27 biljun ta' finanzjament tal-FSE għal miżuri fil-qasam tal-edukazzjoni. Indirettament, iż-żgħażagħ se jgawdu wkoll minn finanzjament tal-FSE ta' madwar EUR 11-il biljun għal inizjattivi oħra bħall-immodernizzar tas-servizzi tal-impjieg jew bħall-appoġġ biex iż-żgħażagħ jaħdmu għal rashom. L-azzjonijiet fil-qafas tal-YEI huma mistennija jkattru l-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet u servizzi differenti sabiex in-NEETs speċjalment jiġu megħjuna b'mod integrat.

Mill-2013 'il hawn, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati kisbet l-appoġġ mis-settur privat, filwaqt li mill-2014 'il hawn, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għall-Iskemi ta' Taħriġ (17) timmira li tiffaċilita t-tagħlim ta' kwalità u l-kundizzjonijiet ġusti tax-xogħol. Il-Kummissjoni tejbet it-tagħrif għaż-żgħażagħ li qegħdin ifittxu impjieg, permezz tas-sistema tal-EURES għall-qsim tat-tagħrif dwar l-offerti ta' impjieg, u nediet l-inizjattiva “L-ewwel impjieg EURES tiegħek” biex tgħin liż-żgħażagħ isibu impjieg barra minn pajjiżhom.

Apparti l-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi, l-Istati Membri impenjaw ruħhom sabiex jiżdiedu l-isforzi għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha fis-soċjetà. Bis-saħħa ta' azzjonijiet fosthom il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Kummissjoni qanqlet lis-soċjetà ċivili biex taħdem għall-inklużjoni, għaċ-ċittadinanza u għad-djalogu interkulturali. Dawn l-oqsma kollha se jgawdu minn iżjed finanzjament mill-Erasmus+. Dawn l-isforzi jimxu id f'id mal-ħidma tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni li huwa ffinanzjat mill-UE u li jisħaq fuq ir-rwol ta' prevenzjoni li għandha l-edukazzjoni u fuq it-tagħlim tal-ħsieb kritiku u tal-valuri demokratiċi fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ilha tisħaq dwar l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jaħsbu b'mod kritiku dwar il-messaġġi estremisti (18) u tenfasizza l-potenzjal ta' Erasmus+ biex jiġu appoġġati l-mobbiltà tat-tagħlim u s-sħubijiet bejn il-partijiet ikkonċernati, li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ jiżviluppaw reżiljenza għal fehmiet estremisti (19).

L-azzjonijiet speċifiċi fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ

Il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE ffukat fuq l-inklużjoni soċjali u fuq l-għoti ta' setgħa liż-żgħażagħ, inkluż l-aċċess għad-drittijiet u għall-parteċipazzjoni politika. Il-Kunsill appella għal kontribuzzjoni akbar min-naħa tal-politika dwar iż-żgħażagħ għall-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u kkonferma li biħsiebu jinkludi aħjar lin-NEETs u jippromwovi l-imprenditorija fost iż-żgħażagħ.

Mill-2013 'il hawn, il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ kienet ta' importanza kbira fl-aġenda tal-UE dwar iż-żgħażagħ. Studju tal-Kummissjoni wera l-valur tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ stess f'aspetti differenti ta' ħajjithom (20) u fl-2015, it-Tieni Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fil-Qasam taż-Żgħażagħ identifikat l-iżjed sfidi urġenti u appellat għal Aġenda Ewropea dwar il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ. (21) Barra minn hekk, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tressaq proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Ħidma fil-Qasam taż-Żgħażagħ, fid-dawl tar-riżultati tal-istudji rilevanti u l-ħidma tal-grupp ta' esperti.

Fid-dawl tat-tħassib dwar l-irtirar taż-żgħażagħ mill-forom tradizzjonali ta' parteċipazzjoni, il-Kummissjoni ġabret evidenza (22) li turi li xorta għadhom ħerqana li jipparteċipaw, iżda qegħdin jitolbu għal iktar mezzi ta' parteċipazzjoni u għal mezzi differenti. L-isfida għal dawk li jfasslu l-politika se tkun li jsibu l-aħjar mod kif jistgħu jwieġbu għal din it-talba. Ir-Riżoluzzjoni tal-2015 tal-Kunsill dwar l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa tipprovdi qafas biex tingħata tweġiba għal din l-isfida.

Mill-politika għall-bidla fil-prattika: Erasmus+

Fl-2014, l-UE nediet il-programm Erasmus+ għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. B'baġit ta' EUR 14,7-il biljun għall-perjodu sal-2020, Erasmus+ jappoġġa l-mobbiltà għat-tagħlim ta' żgħażagħ u edukaturi li jlaħħqu l-erba' miljuni, li minnu 10 % tal-baġit huwa rriżervat għal attivitajiet taż-żgħażagħ; huwa stmat li jiġu ffinanzjati 400 000 parteċipant fi skambji bejn iż-żgħażagħ u 100 000 parteċipant fis-Servizz Volontarju Ewropew (SVE). Dan jirrappreżenta żieda ta' 80 % meta mqabbel mal-finanzjament tal-programm preċedenti Żgħażagħ fl-Azzjoni.

Meta mqabbel ma' qabel, l-Erasmus+ qiegħed joħloq rabta aħjar bejn il-politika u l-programm. Il-programm jiffinanzja sħubijiet strateġiċi bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u jqanqal il-kooperazzjoni transsettorjali. Il-Youthpass (23) kompliet tappoġġa r-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u dak informali: Minn mindu nbdiet tintuża din l-għodda, l-Aġenziji Nazzjonali għaż-żgħażagħ ħarġu kważi 250 000 ċertifikat. Sabiex jitwessa' l-impatt tal-Youthpass, il-Kunsill ippropona li jiġi introdott u li jiġi appoġġat l-użu ta' għodod nazzjonali ta' rikonoxximent ispirati minnha.

It-twessigħ tal-komunikazzjoni

Permezz ta' għodod fuq l-Internet kif ukoll mhux fuq l-Internet, il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tgħarraf liż-żgħażagħ dwar l-opportunitajiet offruti mill-politiki u mill-programmi tal-UE. Iżjed importanti minn hekk, il-Kummissjoni fittxet li tagħti widen għall-opinjonijiet u għall-ideat tagħhom. B'1,5 miljun viżitatur differenti fl-2014, il-Portal Ewropew dwar iż-Żgħażagħ sar is-sies ta' dawn l-attivitajiet, billi jirreklama opportunitajiet ta' volontarjat transfruntier u jagħti aċċess għat-tagħrif tal-EURES dwar offerti ta' impjieg u ta' skemi ta' taħriġ. Fl-2015, il-Kummissjoni ġabret l-ideat mingħand iż-żgħażagħ fil-“Laboratorji tal-Ideat” matul il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, li b'mod ġenerali laħqu 137 000 ruħ fl-avvenimenti u 1,2 miljun ruħ permezz tal-midja soċjali.

Il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb id-disinn u l-funzjonalità tal-Portal Ewropew dwar iż-Żgħażagħ u ta' pjattaformi oħra fuq l-Internet. Il-Kummissjoni se taħdem iżjed mill-qrib ma' netwerks f'kuntatt dirett maż-żgħażagħ, fosthom in-netwerk Eurodesk li għandu 1 200 speċjalista tal-informazzjoni.

3.2.   L-azzjoni mill-Istati Membri

Kulma jmur l-Istati Membri qegħdin iwettqu politiki trasversali dwar iż-żgħażagħ, bl-impjieg u l-inklużjoni soċjali u ċivika fil-qalba tat-tħassib ewlieni. L-Istati Membri ħadu bosta miżuri biex iż-żgħażagħ jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, ta' sikwit bħala parti mill-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ u appoġġati minn fondi tal-UE li jingħataw fil-qafas tal-FSE u tal-YEI. Barra minn hekk, fl-2014, twettaq 18-il proġett pilota fuq skala żgħira bl-appoġġ dirett tal-Kummissjoni. L-Istati Membri kollha ressqu l-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-progress fl-implimentazzjoni tagħhom jiġi vvalutat fi ħdan is-Semestru Ewropew. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri involvew l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, u żewġ terzi tal-Istati Membri involvew is-servizzi taż-żgħażagħ fis-sħubijiet li ġew stabbiliti fil-kuntest tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Bħala tweġiba għat-tħassib dwar iż-żieda tal-esklużjoni soċjali taż-żgħażagħ, kważi l-Istati Membri kollha ħadu miżuri sabiex iżidu l-inklużjoni tan-NEETs. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ħadu l-impenn li jitjieb l-aċċess taż-żgħażagħ għal servizzi ta' kwalità u 80 % tal-Istati Membri appoġġaw il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u ċ-ċentri taż-żgħażagħ. Madankollu, il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ ġarrbet tnaqqis fil-baġits madwar l-Ewropa (24), filwaqt li l-ammont dejjem jikber ta' żgħażagħ li qegħdin jissograw il-faqar u l-esklużjoni jżid id-domanda għal intervent.

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni, 27 Stat Membru żviluppaw mekkaniżmi għad-djalogu maż-żgħażagħ; 25 Stat Membru pprovdew appoġġ pubbliku lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u żewġ terzi tal-Istati Membri ppromwovew l-użu tal-midja fuq l-Internet u pprovdew iżjed opportunitajiet għal dibattitu. Minkejja li l-Istati Membri fittxew li jinvolvu ż-żgħażagħ mill-firxa soċjoekonomika kollha kemm hi, minħabba l-parteċipazzjoni iktar baxxa b'mod persistenti fost xi gruppi, dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha għad jistgħu jagħmlu iktar biex jinvolvu lill-gruppi li mhumiex irrappreżentati biżżejjed.

4.   Il-governanza u l-implimentazzjoni tal-qafas ta' kooperazzjoni dwar iż-żgħażagħ mill-2013 sal-2015

Ir-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta' kooperazzjoni jipprovdu bażi soda li minnha tista' tissokta l-kooperazzjoni dwar iż-żgħażagħ fil-livell tal-UE. Appoġġat minn evidenza u minn skambji tal-esperjenzi rilevanti, il-qafas għen biex imexxi 'l quddiem l-aġendi nazzjonali dwar iż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni transsettorjali b'appoġġ għaż-żgħażagħ.

Sabiex l-implimentazzjoni tal-qafas tkun iżjed effettiva, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jtejbu l-qsim ta' data rilevanti u ta' evidenza oħra li mhux parti mill-qasam taż-żgħażagħ. Fl-istess ħin, jistgħu jużawhom bħala bażi għal politiki dwar iż-żgħażagħ li jkunu iżjed orjentati lejn ir-riżultati. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri għandhom jagħtu l-appoġġ tagħhom biex it-tħassib dwar iż-żgħażagħ jiġi kkunsidrat f'politiki oħra. Fil-livell tal-UE, it-tagħlim reċiproku jista' jiġi ddiversifikat, pereżempju billi jinħolqu iżjed opportunitajiet ta' tagħlim bejn il-pari, li jkunu mfassla apposta skont il-ħtiġijiet differenti tal-Istati Membri. Id-Djalogu Strutturat maż-żgħażagħ għandu jsir iktar inklużiv.

L-attivitajiet u l-istrumenti ewlenin huma analizzati fid-dettall hawn taħt.

Qafas li jistabbilixxi l-aġenda

Il-qafas ta spinta kbira lill-aġendi nazzjonali dwar iż-żgħażagħ. Mill-2010 'l hawn, kważi l-Istati Membri kollha introduċew inizjattivi jew għodod f'dan il-qasam. F'żewġ terzi tal-Istati Membri, il-qafas saħħaħ mill-ġdid il-prijoritajiet tal-politika nazzjonali dwar iż-żgħażagħ u f'terz tal-Istati Membri influwenza l-livell lokali u reġjonali. 11-il Stat Membru orjentaw mill-ġdid il-politika nazzjonali tagħhom dwar iż-żgħażagħ f'konformità mal-qafas.

Il-qafas ħeġġeġ il-kooperazzjoni transsettorjali. Kważi l-Istati Membri kollha għandhom mekkaniżmi istituzzjonalizzati biex jiġi żgurat approċċ transsettorjali għall-politika dwar iż-żgħażagħ, fosthom strutturi interdipartimentali u laqgħat interministerjali regolari.

L-ewwel Pjan ta' Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ (mill-2014 sal-2015) tal-Kunsill kellu l-għan li jixpruna l-implimentazzjoni tal-qafas, u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ħadu sehem fl-attivitajiet tiegħu. 23 Stat Membru ħassew li l-Pjan ta' Ħidma rnexxielu jilħaq l-għan tiegħu u li kien jirrifletti sew il-prijoritajiet nazzjonali, iżda wħud wissew li kien hemm riskju ta' approċċi mhux koerenti jew paralleli għall-qafas ta' disa' snin.

It-tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza: l-iżviluppi kwantitattivi u kwalitattivi

Is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-UE titkejjel b'mod regolari abbażi ta' sensiela ta' 41 indikatur dwar il-kundizzjonijiet li qegħdin jaffettwaw liż-żgħażagħ (25). Kulma jmur l-Istati Membri qegħdin jużaw dawn l-indikaturi, anki jekk dan għadu ma wassalx politiki sistematiċi dwar iż-żgħażagħ orjentati lejn ir-riżultati.

L-indikaturi u evidenza oħra ġejja mill-Eurostat, mill-Eurofound u mis-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Ewropa, partikolarment mill-analiżi mir-Riżerva ta' Riċerkaturi Żgħażagħ Ewropej (PEYR), ser jgħinu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jidentifikaw xejriet ġodda u biex jadattaw il-prijoritajiet skonthom.

Hemm bżonn li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaqsmu din l-evidenza ma' oħrajn li jaħdmu maż-żgħażagħ, lil hinn mill-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ. Fil-livell tal-UE, il-monitoraġġ il-ġdid taż-żgħażagħ (26) jipprovdi aċċess għad-data fuq l-Internet li jkun faċli għall-utent. Mill-2016, wiki ġdid taż-żgħażagħ se jipprovdi tagħrif aġġornat dwar il-politiki, il-leġiżlazzjoni u l-programmi nazzjonali fil-qasam taż-żgħażagħ. Dan se jkun akkumpanjat minn Qafas ta' Indikaturi għall-Monitoraġġ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li l-ewwel data tiegħu tkun mistennija għall-aħħar tal-2015.

It-tagħlim reċiproku: skambju tal-esperjenza

L-Istati Membri tgħallmu minn xulxin, l-ewwel nett billi pparteċipaw fil-gruppi ta' esperti. Bejn l-2013 u l-2015, l-esperti indirizzaw modi kif jiġi appoġġat il-potenzjal kreattiv u innovattiv taż-żgħażagħ, il-kontribut tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ għall-isfidi taż-żgħażagħ matul il-kriżi, u l-ħidma ta' kwalità fil-qasam taż-żgħażagħ. Is-sejbiet taw kontribut lil ħidma fil-Kunsill kif ukoll lil diskussjonijiet fil-Forum dwar l-Edukazzjoni, it-Taħriġ u ż-Żgħażagħ (27). Ir-rapport tal-2015 dwar il-ħidma ta' kwalità fil-qasam taż-żgħażagħ (28) nebbaħ il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ biex jiġu żgurati soċjetajiet koeżivi (29), li appellaw għal għodda ta' referenza u ta' gwida dwar il-kwalità għall-organizzazzjonijiet nazzjonali għall-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ.

L-Istati Membri tgħallmu wkoll minn xulxin permezz ta' attivitajiet organizzati fi sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Ewropa; gruppi iżgħar ta' Stati Membri organizzaw skambji speċifiċi dwar kwistjonijiet ta' interess komuni, fosthom il-ħidma lokali fil-qasam taż-żgħażagħ.

Biex jagħmel l-aħjar użu tad-diversi attivitajiet ta' tagħlim reċiproku, il-pjan ta' ħidma li jmiss għandu jinkludi l-iżvilupp ta' qafas flessibbli biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni u għar-riżultati tal-attivitajiet. Għandu jħeġġeġ ukoll l-użu tar-riżultati u għandu jgħin biex ilaqqa' msieħba b'interessi komuni.

Djalogu Strutturat: tiżdied il-komunikazzjoni u jissejjes id-djalogu fl-aġenda ta' politika

Id-Djalogu Strutturat tal-UE bejn dawk li jfasslu l-politika, iż-żgħażagħ u r-rappreżentanti tagħhom ġeneralment jitqies bħala għodda tajba biex iż-żgħażagħ jingħataw widen. L-ewwel ċiklu tiegħu ta' 18-il xahar, li ntemm fl-2011, għen biex jissawru l-inizjattivi sussegwenti tal-UE dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ. Bejn l-2013 u l-2015, id-Djalogu indirizza l-inklużjoni soċjali u l-għoti ta' setgħa liż-żgħażagħ u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew indirizzati sussegwentement fil-Kunsill.

Id-Djalogu Strutturat evolva mill-2013 'il hawn u huwa msejjes aħjar fl-aġenda tal-politika dwar iż-żgħażagħ. In-numru ta' parteċipanti żdied b'iktar mid-doppju u madwar 40 000 żagħżugħ u żagħżugħa wieġbu fl-aħħar ċiklu, ħafna minnhom f'isem gruppi akbar. Barra minn hekk, qegħdin jibdew jitnebbħu u jitfaċċaw proċessi nazzjonali ta' djalogu.

Id-Djalogu Strutturat għadu jrid jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu: Għadu ma jirnexxielux jilħaq grupp usa' ta' żgħażagħ b'inqas opportunitajiet u b'leħen politiku iżjed dgħajjef. Il-Kummissjoni tħeġġeġ iktar komunikazzjoni bis-saħħa tal-għotjiet finanzjarji tal-Erasmus+ li jappoġġaw l-isforzi nazzjonali u permezz tal-għodda ta' konsultazzjoni fuq l-Internet li ġiet imnedija fl-2014. Sfida oħra hija l-monitoraġġ tal-użu tar-riżultati tad-Djalogu fil-politika nazzjonali u tal-UE. Fl-aħħar nett, fl-interess tar-responsabbiltà u sabiex iż-żgħażagħ jiġu mmotivati li jibqgħu involuti, dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha għandhom jipprovdu tagħrif aħjar dwar it-tweġibiet tagħhom permezz tal-Portal Ewropew dwar iż-Żgħażagħ u tal-gruppi nazzjonali ta' ħidma. Is-sejbiet tar-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ għall-2015 u tal-evalwazzjoni interim li għaddejja bħalissa tal-qafas ta' kooperazzjoni tal-UE għaż-żgħażagħ jistgħu jnebbħu t-titjib tad-Djalogu Strutturat fil-ġejjieni.

5.   It-triq 'il quddiem għall-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ fil-livell tal-UE (mill-2016 sal-2018)

Opportunitajiet indaqs ta' edukazzjoni, ta' impjieg u ta' parteċipazzjoni fil-komunitajiet inklużivi

Abbażi tal-prijoritajiet politiċi tal-UE, ir-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas, id-data u l-evidenza miġbura, u ċ-ċiklu ta' ħidma għall-ġejjieni tal-qafas ta' kooperazzjoni għandhom jipprijoritizzaw:

aktar inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha, b'kont meħud tal-valuri Ewropej sottostanti;

sehem akbar taż-żgħażagħ kollha fil-ħajja demokratika u ċivika fl-Ewropa;

tranżizzjoni eħfef taż-żgħażagħ miż-żgħożija għall-ħajja adulta, partikolarment l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

Fir-rigward ta' dawn il-prijoritajiet, u filwaqt li l-azzjoni tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għandha tiġi indirizzata lejn iż-żgħażagħ kollha, għandha ssir enfasi partikolari fuq il-gruppi li ġejjin:

Żgħażagħ li jissograw li jisfaw emarġinati

Żgħażagħ li la qegħdin jaħdmu, la fl-edukazzjoni u lanqas f'taħriġ (NEET)

Żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migranti, fosthom immigranti li jkunu għadhom kif waslu u refuġjati żgħażagħ.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ser jieħdu azzjoni f'dawn l-oqsma, inkluż permezz tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ, l-istrumenti tal-qafas u permezz tal-kooperazzjoni ma' politiki oħra, kif jixraq, għall-promozzjoni:

tal-inklużjoni soċjali u tal-prattiki ta' komunikazzjoni biex jintlaħqu ż-żgħażagħ minn ambjenti diversi, speċjalment dawk li jbatu minn żvantaġġi, biex jiġi żgurat is-sehem sħiħ tagħhom fl-attivitajiet soċjali u ċiviċi;

tal-kapaċità tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ, tal-organizzazzjonijiet u tan-netwerks taż-żgħażagħ li jaġixxu bħala forzi ta' inklużjoni billi jgħinu liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom, jagħmlu volontarjat u jixprunaw il-bidla soċjali pożittiva fil-komunitajiet;

tar-rikonoxximent tal-ħidma ta' kwalità fil-qasam taż-żgħażagħ, billi tinbena l-kapaċità ta' komunikazzjoni u ta' reazzjoni għall-bidliet emerġenti tas-soċjetà, tal-imġiba u tat-teknoloġija;

tal-forom ġodda ta' parteċipazzjoni fil-proċessi demokratiċi u tal-aċċess għat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi permezz tal-għodod fuq l-Internet kif ukoll mhux fuq l-Internet;

tad-domanda dejjem tevolvi għall-ħiliet, fosthom iċ-ċittadinanza, il-litteriżmu medjatiku u diġitali, il-ħsieb kritiku u l-fehim interkulturali;

l-aċċess taż-żgħażagħ għad-drittijiet fundamentali tagħhom u l-prattika tan-nondiskriminazzjoni u l-fehim interkulturali; u

tal-volontarjat, inkluż permezz ta' programmi tal-UE bħas-SVE u l-Inizjattiva l-ġdida tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, bħala mod li jgħaqqad flimkien it-tagħlim u l-involviment ċiviku (30); ta' iżjed komplementarjetà bejn l-atturi nazzjonali u internazzjonali biex jiżdied il-volontarjat transfruntier u biex il-volontarjat nazzjonali jintrabat aħjar mas-SVE.

Sabiex jirrifletti dawn il-prijoritajiet, id-Djalogu Strutturat tal-UE maż-żgħażagħ għandu jippromwovi l-inklużjoni taż-żgħażagħ kollha f'soċjetajiet tolleranti, diversi u demokratiċi. Id-Djalogu li jmiss irid jilħaq udjenza ferm usa' ta' gruppi ta' żgħażagħ, speċjalment lil dawk li ma kinux involuti fid-Djalogu sa issa, fost l-oħrajn permezz ta' għodod inqas eżiġenti ta' involviment li jkunu mfassla apposta skont il-ħtiġijiet u d-drawwiet taż-żgħażagħ.

Il-politika dwar iż-żgħażagħ fi ħdan aġenda usa' tal-UE

Il-politika dwar iż-żgħażagħ ma tistax taħdem f'iżolament. Huma essenzjali l-kooperazzjoni u l-komplementarjetà ma' politiki bħax-xogħol, l-edukazzjoni, it-taħriġ, is-saħħa u l-benesseri, il-kultura, il-midja diġitali, l-iżvilupp sostenibbli, iċ-ċittadinanza u l-isport.

Il-qafas ta' kooperazzjoni jista' jirfed din il-kooperazzjoni permezz tal-mekkaniżmi tiegħu. Bil-Pjan ta' Ħidma tal-UE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw u jirfinaw iżjed l-istrutturi u l-metodi ta' ħidma transsettorjali. Dan jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali fil-qasam taż-żgħażagħ: il-ħolqien ta' iżjed opportunitajiet u ta' opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ kollha fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol u l-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva, tal-inklużjoni soċjali u tas-solidarjetà taż-żgħażagħ kollha.

Il-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ għandha tkun parti minn aġenda politika usa' għaż-żgħażagħ. Sabiex ikun hemm impatt reali, dawk li jfasslu l-politika fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri jridu jaħdmu flimkien mal-prattikanti tal-qasam, mal-fornituri tas-servizzi, mal-edukaturi u man-negozji fuq il-post biex b'hekk jimmobilizzaw ir-riżorsi u l-fondi sabiex tintlaħaq massa kritika ta' żgħażagħ. Dawn għandhom jimmiraw li jwasslu soluzzjonijiet innovattivi għall-fenomeni kumplessi tal-emarġinazzjoni, tal-esklużjoni soċjali u tan-nuqqas ta' parteċipazzjoni.

Fl-aħħar nett, hemm bżonn urġenti li jiżdiedu l-isforzi. Sabiex iżjed żgħażagħ jiġu offruti l-prospettiva ġenwina li jsiru membri sħaħ u involuti tal-komunitajiet tagħhom, jeħtieġ li jkun hemm approċċ komprensiv li jkun paripassu mal-isfidi eżistenti. Dan jirrikjedi li jkun hemm aġenda koerenti ta' politika, appoġġata mill-Erasmus+, mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ u mill-istrumenti ta' finanzjament tal-UE b'involviment akbar, fosthom il-FSE u l-YEI. Ir-riżorsi nazzjonali u reġjonali jridu jappoġġaw dawn l-isforzi meta dan ikun possibbli.


(1)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018), ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

(2)  Għad-dettalji u għas-sorsi tad-data li fuqhom hija msejsal-analiżi, ara d-dokument ta' ħidma tal-persunal SWD(2015)169 dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-UE.

(3)  Sakemm mhux indikat mod ieħor.

(4)  Skont l-indikatur tal-Eurostat għal dawk li jieqfu mill-edukazzjoni u mit-taħriġ qabel iż-żmien, il-persentaġġ naqas minn 13,9 % fl-2010 għal 11,1 % fl-2014 fost dawk ta' bejn it-18-il sena u l-24 sena (il-persentaġġi baqgħu għoljin b'mod partikolari fi Spanja, fl-Italja, f'Malta, fil-Portugall u fir-Rumanija).

(5)  L-Eurostat, il-popolazzjoni ta' bejn it-30 u l-34 sena li kisbu l-edukazzjoni terzjarja.

(6)  L-Istħarriġ Flash Nru 408 tal-Ewrobarometru tal-2014.

(7)  L-Eurostat, 2014.

(8)  Rising inequality: youth and poor fall further behind, OECD, 2014.

(9)  “NEETs”, Eurofound, 2012 u l-OECD, 2015.

(10)  Indicators of immigrant integrationSettling in 2015, studju konġunt bejn l-OECD u l-Kummissjoni Ewropea.

(11)  In it together: why less inequality benefits all, OECD, Mejju 2015.

(12)  L-Istħarriġ Flash Nru 408 tal-Ewrobarometru tal-2014.

(13)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

(14)  Ir-Rapport Konġunt tal-2020 dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, COM(2015) 408.

(15)  COM(2015) 185.

(16)  Iktar dettalji jingħataw fid-dokument ta' ħidma tal-persunal (SWD(2015)168) dwar ir-riżultati tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ; http://ec.europa.eu/youth/policy/implementation/report_en.htm.

(17)  ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1.

(18)  COM(2013) 941 “Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: It-Tisħiħ tar-Reazzjoni tal-UE”.

(19)  http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/networks/radicalisation_awareness_network/about-ran/ran-prevent/index_en.htm

(20)  Studju tal-2014, Value of youth work in the EU; rapporti tal-grupp ta' esperti dwar il-potenzjal kreattiv u innovattiv taż-żgħażagħ u l-approċċi ta' kwalità għall-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ.

(21)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8491-2015-INIT/en/pdf

(22)  Studju tal-2013, Youth participation in democratic life.

(23)  Il-Youthpass huwa għodda ta' rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali għall-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ; huwa jintuża għal proġetti ffinanzjati mill-parti għaż-żgħażagħ fl-Erasmus+. https://www.youthpass.eu/en/youthpass/.

(24)  Studju tal-2014, Value of Youth Work in the EU.

(25)  SEC(2011) 401.

(26)  http://ec.europa.eu/youth/dashboard/index_en.htm.

(27)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ mill-2014 sal-2015.

(28)  Quality Youth WorkA common framework for the further development of youth work, http://ec.europa.eu/youth/library/reports/quality-youth-work_en.pdf.

(29)  Mejju tal-2015.

(30)  Fil-livell tal-UE, minkejja l-irdoppjar tal-għadd ta' benefiċjarji fis-SVE, il-volontarjat transfruntier għadu ftit li xejn.


15.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/25


Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020)

Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ

(2015/C 417/04)

1.   KUNTEST

L-Ewropa qiegħda taffaċċja għadd ta' kompiti urġenti: l-ixprunar tal-ħolqien tal-impjiegi u tal-irkupru ekonomiku; il-kisba tat-tkabbir sostenibbli; it-tnaqqis tad-diskrepanza fl-investiment; it-titjib tal-koeżjoni soċjali; il-koordinament ta' rispons għall-flussi migratorji; u l-għoti ta' prijorità lill-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-vjolenza. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-Ewropa tindirizza l-isfidi fuq perijodu ta' żmien fit-tul bħat-tixjiħ, l-adattament għall-era diġitali u l-kompetizzjoni f'ekonomija globali bbażata fuq l-għarfien.

Ir-rispons ta' politika tal-Ewropa skont il-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni Ewropea, “Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku (1)” jimmarka bidu ġdid. Hemm argumenti ekonomiċi sodi biex l-edukazzjoni u t-taħriġ, bħala settur li jiffavorixxi t-tkabbir, ikollu rwol kruċjali taħt din l-Aġenda l-ġdida. L-investiment fil-kapital uman hu wieħed li jrendi. L-edukazzjoni tajba u t-taħriġ tajjeb jgħinu fil-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku sostnut, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli: jagħtu spinta lir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż), lill-innovazzjoni, lill-produttività u lill-kompetittività. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-investiment meħtieġ fis-sistemi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex itejbu l-effettività u l-effiċjenza tagħhom biex jgħollu l-livell tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-forza tax-xogħol, u b'hekk ikunu jistgħu jantiċipaw u jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet li qed jinbidlu b'mod rapidu tas-swieq tax-xogħol dinamiċi f'ekonomija li qed issir dejjem aktar diġitali u fil-kuntest ta' tibdil teknoloġiku, ambjentali u demografiku. L-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-aċċess ta' kulħadd għal tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u jimplimentaw strateġiji għal tixjiħ attiv li jippermettu li l-ħajja tax-xogħol titwal.

L-episodji traġiċi ta' estremiżmu vjolenti fil-bidu tal-2015 fakkruna b'mod ċar li s-soċjetajiet tagħna huma vulnerabbli. L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol importanti biex jiżguraw li l-valuri umani u ċiviċi li nikkondividu huma salvagwardati u mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet futuri, sabiex jippromwovu l-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni, l-inklużjoni soċjali u r-rispett għall-oħrajn, kif ukoll biex jipprevjenu u jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha, sabiex isaħħu t-tagħlim u l-aċċettazzjoni ta' dawn il-valuri fundamentali komuni u jqiegħdu l-pedamenti għal soċjetajiet aktar inklużivi permezz tal-edukazzjoni — li tibda minn età bikrija. (2) L-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jgħinu biex jipprevjenu u jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, jippromwovu r-rispett reċiproku u jibnu l-pedament għal soċjetà miftuħa u demokratika li hija msejsa fuqhom iċ-ċittadinanza attiva.

Fl-istess ħin, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jiffaċċjaw l-isfida li jiġi żgurat aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, b'mod partikolari billi jilħqu lil dawk l-aktar żvantaġġati u bl-integrazzjoni ta' persuni b'esperjenzi differenti, inkluż bl-integrazzjoni adegwata ta' migranti li jkunu għadhom kif waslu (3), fl-ambjent tat-tagħlim, biex b'hekk titrawwem il-konverġenza soċjali 'l fuq.

F'dan l-isfond, l-edukazzjoni u t-taħriġ jagħtu kontribut sostanzjali lil diversi strateġiji u inizjattivi tal-UE, fosthom l-Istrateġija Ewropa 2020, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, l-inizjattiva tas-Suq Uniku Diġitali, l-Aġendi Ewropej dwar is-Sigurtà u l-Migrazzjoni u l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, filwaqt li tiġi rrispettata b'mod sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri għas-sistemi tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-kooperazzjoni taħt il-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) tikkomplementa l-azzjoni nazzjonali u tappoġġa lill-Istati Membri permezz tal-iskambji bejn il-pari, it-tagħlim reċiproku, il-ġbir ta' evidenza u ta' data, fl-implimentazzjoni ta' riformi sabiex ikomplu jtejbu r-riżultati tagħhom.

L-edukazzjoni u t-taħriġ jipprovdu lill-individwi bl-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jikbru u jinfluenzaw is-sitwazzjonijiet tagħhom, permezz tat-twessigħ tal-perspettivi tagħhom, billi n-nies jitħejjew b'mod tajjeb għall-ħajja futura tagħhom, permezz tal-istabbiliment tal-pedamenti għal ċittadinanza attiva u valuri demokratiċi, u permezz tal-promozzjoni tal-inklużjoni, l-ekwità u l-ugwaljanza.

Il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ tal-Kummissjoni tal-2015 juri li għad baqa' sfidi serji:

Madwar l-UE, 22 % ta' dawk li għandhom 15-il sena ma jilħqux l-aspettattivi fil-matematika. Fost l-istudenti bi status soċjoekonomiku baxx, dan huwa 36,6 %, li huwa inkwetanti. Barra minn hekk, 18 % ta' dawk li għandhom 15-il sena fl-UE jiksbu riżultati baxxi fil-qari u 17 % ma jilħqux l-aspettattivi fix-xjenza. L-insuffiċjenza f'dawn l-oqsma ta' studju hija madwar 60 % aktar prevalenti fost is-subien milli fost il-bniet; (4)

Persuna adulta minn kull erba' fl-Ewropa tinqabad f'nassa ta' ftit kwalifiki — nassa li tillimita l-aċċess għas-suq tax-xogħol filwaqt li fl-istess ħin tagħlaq it-toroq għal aktar edukazzjoni jew taħriġ. 4,4 % biss mis-66 miljun adult li l-aktar li kisbu hija edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jipparteċipaw fit-tagħlim għall-adulti; (5)

It-tluq bikri mill-iskola (6) issa jammonta għal 11,1 %. Filwaqt li sar progress tajjeb lejn il-mira ewlenija komuni tal-Ewropa 2020, għad hemm aktar minn 4,4 miljun student li waqaf mill-iskola qabel iż-żmien madwar l-Ewropa, u madwar 60 % minnhom jinsabu jew inattivi jew qiegħda, li jfisser riskji ogħla ta' esklużjoni soċjali u inqas impenn ċiviku;

Il-ksib tal-edukazzjoni għolja (7) qed ikompli jitjieb u issa laħaq is-37,9 %. Għal darb'oħra, sar progress tajjeb lejn il-mira ewlenija komuni ta' Ewropa 2020, iżda l-impjegabbiltà tal-gradwati tibqa' staġnata madwar l-UE.

Ir-rendikont komprensiv ta' nofs il-mandat tal-qafas strateġiku ET 2020 li twettaq fl-2014, li jinvolvi l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati ewlenin u li jipprovdi l-bażi għal dan ir-Rapport, wassal għal tliet konklużjonijiet prinċipali ta' politika:

Ġie kkonfermat il-valur ta' qafas integrat li jkopri l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha. Il-ħtieġa attwali għal flessibbiltà u permeabbiltà bejn l-esperjenzi ta' tagħlim teħtieġ koerenza fil-politika mill-edukazzjoni fit-tfulija bikrija u l-iskejjel sal-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim għall-adulti, u dan isostni l-prinċipju ta' tagħlim tul il-ħajja.

L-erba' għanijiet strateġiċi tal-ET 2020 (u l-punti attwali ta' referenza tal-UE) jibqgħu validi peress li kienu mfassla b'mod komprensiv u li jħares 'il quddiem fl-ET 2020, fil-konklużjonijiet tal-2009 tal-Kunsill, u jipprovdu pedament sod għal attivitajiet tal-ET 2020 sal-2020. Madankollu, jeħtieġ li l-enfasi tal-politika tiġi kkalibrata mill-ġdid sabiex tinkludi kemm l-isfidi urġenti ta' natura ekonomika u tal-impjiegi, kif ukoll ir-rwol tal-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-ġustizzja u l-inklużjoni u fit-tixrid tal-valuri komuni Ewropej, tal-kompetenzi interkulturali u taċ-ċittadinanza attiva.

L-ET 2020 huwa kontributur importanti għall-aġenda ġenerali tal-UE għall-impjiegi, għat-tkabbir u għall-investiment, inkluż is-Semestru Ewropew. F'dan ir-rigward, jistgħu jissaħħu kemm l-informazzjoni miġbura u t-tagħlim reċiproku b'rabta mal-isfidi tar-riformi, kif ukoll ir-rilevanza tal-qafas b'mod speċifiku għall-pajjiżi, fejn xieraq.

Fid-dawl tal-isfidi u tal-konklużjonijiet ta' politika msemmija hawn fuq, u sabiex l-ET 2020 jiġi allinjat aħjar mal-prijoritajiet politiċi u mal-mandat politiku tal-UE, dan ir-Rapport Konġunt jipproponi li jiggwida l-kooperazzjoni Ewropea skont dan il-qafas sal-2020, u b'hekk iċ-ċiklu ta' ħidma tiegħu jiżdied minn tliet snin għal ħames snin.

2.   SFIDI EWLENIN LI JIDDETERMINAW L-GĦAŻLA TAL-PRIJORITAJIET TAL-ĠEJJIENI

Abbażi ta' analiżi tas-sitwazzjoni, u filwaqt li jiġu rikonoxxuti d-differenzi bejn l-Istati Membri, dan il-kapitlu jippreżenta l-iżviluppi u l-isfidi ewlenin fl-edukazzjoni u fit-taħriġ Ewropej li wasslu għall-identifikazzjoni ta' oqsma prijoritarji ġodda u ta' kwistjonijiet konkreti għal ħidma ulterjuri sal-2020.

L-oqsma prijoritarji ġodda huma:

Għarfien, ħiliet u kompetenzi rilevanti u ta' kwalità għolja, żviluppati matul it-tagħlim tul il-ħajja, b'enfasi fuq ir-riżultati tat-tagħlim għall-impjegabbiltà, l-innovazzjoni, iċ-ċittadinanza attiva u l-benesseri;

Edukazzjoni inklużiva, ugwaljanza, ekwità, nondiskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-kompetenzi ċiviċi;

Edukazzjoni u taħriġ miftuħa u innovattivi, inkluż permezz tat-tħaddin sħiħ tal-era diġitali;

Appoġġ qawwi għall-għalliema, min iħarreġ, mexxejja ta' skejjel u persunal edukattiv ieħor;

Trasparenza u rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kwalifiki biex jiġu ffaċilitati l-mobbiltà għat-tagħlim u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol;

Investiment sostenibbli, kwalità u effiċjenza tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

Dawn l-oqsma prijoritarji, u l-kwistjonijiet konkreti marbuta magħhom, huma indikati fl-Anness għal dan id-dokument.

2.1.   Il-kwalità u r-rilevanza tar-riżultati tat-tagħlim huma fatturi ewlenin għall-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi

Il-livelli baxxi ta' għarfien bażiku u ħiliet fl-Ewropa jxekklu l-progress ekonomiku u jillimitaw bil-kbir lill-individwi fit-twettiq tal-milja professjonali, soċjali u personali tagħhom. Sabiex l-impjegabbiltà, l-innovazzjoni u ċ-ċittadinanza attiva jitjiebu, u b'konsolidazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, jeħtieġ li l-kompetenzi bażiċi jimxu id f'id ma' kompetenzi u attitudnijiet oħra ewlenin: il-kreattività, l-imprenditorija u sens ta' inizjattiva, il-ħiliet diġitali (8), il-kompetenza fil-lingwi barranin, il-ħsieb kritiku inkluż permezz tal-litteriżmu elettroniku u medjatiku, u l-ħiliet li jirriflettu l-ħtiġijiet li qed jiżdiedu maż-żmien, bħal dawk fl-ekonomija ekoloġika u fis-settur diġitali u dak tas-saħħa.

Il-kwalità tar-riżultati tat-tagħlim għandha tiġi stimolata f'perspettiva li tikkunsidra ċ-ċiklu kollu tal-ħajja . Filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri stabbilixxew strateġiji komprensivi ta' tagħlim tul il-ħajja, il-pajjiżi kollha għandhom jiżviluppaw tali strateġiji u għandhom jiżguraw l-permeabbiltà bejn diversi forom u livelli ta' tagħlim u mill-edukazzjoni u mit-taħriġ għax-xogħol. Dan jeħtieġ sforzi kontinwi ta' koordinazzjoni u sħubija bejn is-setturi differenti tat-tagħlim u bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u l-partijiet ikkonċernati rilevanti.

L-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC) hija l-punt tat-tluq u waħda mill-iktar mezzi effiċjenti biex tiżdied il-ħila fil-kompetenzi ewlenin, iżda qed tiffaċċa sfida doppja biex twessa' l-aċċess u ttejjeb il-kwalità. Il-forniment ta' servizzi għat-tfal taħt it-tliet snin huwa partikolarment problematiku f'xi pajjiżi. Kif issuġġerit fil-Qafas ta' Kwalità tal-ECEC li ġie żviluppat mill-esperti tal-Istati Membri matul iċ-ċiklu ta' ħidma preċedenti, il-kwistjonijiet ewlenin għal iktar ħidma jistgħu jinkludu t-titjib tal-aċċess, l-enfasi fuq il-persuni żvantaġġati, il-professjonalizzazzjoni tal-persunal u sistemi effiċjenti ta' governanza, kurrikuli, finanzjament u monitoraġġ.

Il-miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu t-tluq bikri mill-iskola ġew introdotti mill-Istati Membri kollha, iżda mhux dejjem jikkostitwixxu strateġiji komprensivi, kif meħtieġ skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011 (9), jew politiki ekwivalenti bbażati fuq l-evidenza. Rispons ta' suċċess jeħtieġ impenn fit-tul u kooperazzjoni transettorjali, b'enfasi fuq l-aħjar kombinazzjoni ta' prevenzjoni, intervent bikri u miżuri ta' kumpens. Il-politiki kontra t-tluq bikri mill-iskola b'enfasi fuq l-iskejjel għandhom jinkludu approċċi kollaborattivi, l-involviment attiv tal-ġenituri, is-sħubiji ma' partijiet ikkonċernati esterni u l-komunità, miżuri li jappoġġjaw il-benesseri tal-istudenti u ggwidar u konsulenza ta' kwalità għolja, filwaqt li jiżguraw li kull student ikollu opportunità indaqs għall-aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità għolja, il-parteċipazzjoni fiha u l-benefiċċju tagħha u li l-istudenti kollha jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

Is-sistemi tal-edukazzjoni għolja għandhom jagħtu spinta lill-ekonomija bbażata fuq l-għarfien u jwieġbu għall-ħtiġijiet tas-soċjetà . Jeħtieġ li l-edukazzjoni għolja twieġeb b'mod effettiv għad-domanda ta' soċjetà u ta' suq tax-xogħol li għaddejjin minn tibdil, biex ittejjeb il-ħiliet u l-kapital uman tal-Ewropa, u ssaħħaħ il-kontribut tagħha għat-tkabbir ekonomiku. Sabiex jinkiseb dan, għandu jiġi żgurat li l-modernizzazzjoni tiffoka fuq is-sinerġiji bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-impjiegi, filwaqt li toħloq rabtiet bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u l-ambjent u r-reġjuni lokali, li timplimenta approċċi innovattivi għat-titjib tar-rilevanza tal-kurrikuli, inkluż bl-użu ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), it-titjib tat-transizzjonijiet għall-impjieg u t-tisħiħ tal-kollaborazzjoni internazzjonali. Filwaqt li t-tnaqqis tar-rati tat-tluq bikri mill-iskola u ż-żieda fir-rati ta' dawk li jiggradwaw għadhom jipprovdu sfida għal ħafna Stati Membri, speċjalment fost il-gruppi żvantaġġati, il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-forom kollha ta' edukazzjoni għolja jipprovdu lill-istudenti l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi ta' livell għoli rilevanti li jħejjuhom għall-karrieri tagħhom fil-ġejjieni hija prijorità. L-edukazzjoni għolja għandha tgħin ukoll biex l-istudenti jitħejjew għal ċittadinanza attiva bbażata fuq attitudni miftuħa u fuq ħsieb kritiku, kif ukoll tappoġġa l-iżvilupp personali, filwaqt li jkollha rwol sħiħ tagħha fit-trasmissjoni u l-produzzjoni tal-għarfien.

L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-ħiliet rilevanti . Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, jidher li hemm rati tajbin ta' impjieg fost il-gradwati mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Dan huwa wkoll grazzi għal miżuri mmirati lejn it-titjib tal-prestazzjoni, il-kwalità u l-attraenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, li ġew meħuda fil-perijodu 2011-2014 sabiex jiġu implimentati r-riżultati definiti fil-Communiqué ta' Bruges tal-2010, taħt il-proċess ta' Copenhagen. Għandhom isegwu riformi ulterjuri, fuq l-istess binarji tar-riżultati fuq perijodu medju mfissra fil-konklużjonijiet ta' Riga tat-22 ta' Ġunju 2015 (ara l-Anness). Għandha ssir promozzjoni tal-iżvilupp tal-ħiliet rilevanti permezz ta' promozzjoni ulterjuri tal-forom kollha ta' tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, bħal traineeships, apprendistati u skemi doppji għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, permezz ta' tisħiħ tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, ta' żvilupp ulterjuri tas-sħubiji mal-partijiet ikkonċernati kollha fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali u t-tisħiħ tal-antiċipazzjoni tal-ħiliet meħtieġa. Fl-istess ħin, l-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-għalliema, ta' dawk li jħarrġu u l-mentors tal-ETV għandhom jissaħħu, inkluż permezz ta' kollokamenti fin-negozju u l-industrija sabiex iżommu ruħhom aġġornati mal-iżviluppi f'dan il-qasam.

It-tagħlim għall-adulti bħala l-bażi għal titjib tal-ħiliet, taħriġ mill-ġdid, ċittadinanza attiva u koeżjoni soċjali . Stħarriġ reċenti (10) li juri l-livelli baxxi ta' ħiliet bażiċi fost l-adulti, flimkien mal-impatt tal-globalizzazzjoni fuq il-ħiliet meħtieġa u r-rati għolja ta' qgħad, joħroġ il-ħtieġa li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea Mġedda għat-tagħlim għall-adulti. Il-prijoritajiet għandhom jinkludu governanza iktar effettiva, żidiet sinifikanti fl-għoti u fl-użu tat-tagħlim, provvista iktar flessibbli, aċċess usa', monitoraġġ iktar mill-qrib u assigurazzjoni aħjar tal-kwalità (ara l-Anness). It-tagħlim għall-adulti jipprovdi lill-migranti li waslu reċentement u lill-persuni li għandhom passat ta' migrazzjoni b'opportunità għal edukazzjoni ulterjuri jew taħriġ mill-ġdid u iktar opportunitajiet għal dawn l-individwi biex jistabbilixxu ruħhom fis-suq tax-xogħol u jintegraw fis-soċjetà.

2.2.   L-edukazzjoni u t-taħriġ huma essenzjali għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u l-kompetenzi ċiviċi

L-inugwaljanza tinsab fl-ogħla livell f'dawn l-aħħar 30 sena fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej u tal-OECD u għandha impatt negattiv fuq ir-riżultati tal-edukazzjoni, billi s-sistemi tal-edukazzjoni għandhom tendenza jerġgħu jipproduċu x-xejriet eżistenti tal-istatus soċjoekonomiku. Għalhekk, għandha tkun prijorità li jitkisser iċ-ċiklu interġenerazzjonali ta' kwalifiki baxxi. Maġġoranza ta' Stati Membri ħadu miżuri biex itejbu l-aċċess għall-edukazzjoni għall-istudenti żvantaġġati. Madankollu, għad hemm distakk sinifikanti fl-edukazzjoni u l-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità tajba, sa mill-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, għadu jippreżenta sfida f'diversi partijiet tal-UE. Jinħtieġ azzjoni effettiva biex tindirizza d-diversità fil-forom kollha tagħha u biex tipprovdi edukazzjoni inklużiva u taħriġ inklużiv għall-istudenti kollha, b'enfasi fuq gruppi żvantaġġati bħall-istudenti bi bżonnijiet speċjali, il-migranti li waslu reċentement, il-persuni li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni u r-Rom. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tiġi mmobilizzata b'mod sħiħ (jiġifieri tqegħid fis-suq tax-xogħol, apprendistati u edukazzjoni u taħriġ li jipprovdu opportunità oħra).

Id-differenzi bejn is-sessi fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li huma bbażati wkoll fuq il-kontinwazzjoni ta' stereotipi tas-sessi, għandhom jiġu indirizzati u d-differenzi bejn is-sessi fl-għażliet edukattivi għandhom jiġu indirizzati. Il-bullying, il-fastidju u l-vjolenza fl-ambjent tat-tagħlim, fosthom dawk kontra sess partikolari, ma jistgħux jiġu ttollerati. Sabiex min ikun qiegħed jitgħallem jesperjenza l-inklużjoni, l-ugwaljanza, l-ekwità, in-nondiskriminazzjoni u ċ-ċittadinanza demokratika fl-ambjenti tat-tagħlim tiegħu, l-istituzzjonijiet tat-tagħlim u l-għalliema, min iħarreġ, il-mexxejja tal-iskola u persunal ieħor involut fl-edukazzjoni jridu jiġu mħejjija u jingħataw appoġġ. Ambjenti ta' tagħlim miftuħ, bħal libreriji pubbliċi, ċentri miftuħa ta' edukazzjoni għall-adulti u universitajiet miftuħa, għandhom jingħataw ir-riżorsi bħala mezz għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali.

Id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-Ministri għall-Edukazzjoni tas-17 ta' Marzu 2015 għamlet appell għal azzjoni fil-livelli kollha biex jissaħħaħ ir-rwol tal-edukazzjoni fil-promozzjoni taċ-ċittadinanza u tal-valuri komuni ta' libertà, tolleranza u nondiskriminazzjoni, fit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, u fil-forniment ta' għajnuna liż-żgħażagħ biex isiru membri responsabbli, b'moħħ miftuħ u attivi fis-soċjetà inklużiva u diversa tagħna (11). L-edukazzjoni hija importanti sabiex jiġu evitati u indirizzati l-emarġinazzjoni u r-radikalizzazzjoni. Is-segwitu għad-Dikjarazzjoni huwa prijorità ewlenija għaċ-ċiklu ta' ħidma l-ġdid. Dan ser jieħu l-forma ta' analiżi konġunta, tagħlim bejn il-pari, laqgħat, tixrid ta' prattiki tajbin u miżuri konkreti bbażati fuq finanzjament mill-programm Erasmus+, f'konformità mal-erba' oqsma identifikati fid-Dikjarazzjoni li huma: (i) l-iżgurar li t-tfal u ż-żgħażagħ jiksbu kompetenzi soċjali, ċiviċi u interkulturali permezz tal-promozzjoni tal-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali, l-inklużjoni soċjali u n-nondiskriminazzjoni kif ukoll iċ-ċittadinanza attiva (ii) it-titjib tal-ħsieb kritiku u tal-litteriżmu medjatiku; (iii) it-trawwim tal-edukazzjoni fost it-tfal u ż-żgħażagħ żvantaġġati; u (iv) il-promozzjoni tad-djalogu interkulturali permezz tal-forom kollha ta' tagħlim f'kooperazzjoni ma' politiki u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

L-importanza tal-oqsma ta' azzjoni msemmija hawn fuq hija msaħħa mill-influss attwali ta'migranti lejn l-Ewropa. Id-dħul ta' persuni bi sfond differenti qed joħloq sfida għas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-partijiet ikkonċernati tiegħu madwar l-Ewropa kollha. Għal dawk il-migranti li jibqgħu fil-pajjiżi tagħna, l-integrazzjoni tagħhom fl-edukazzjoni u t-taħriġ hija pass kruċjali lejn l-inklużjoni soċjali, l-impjegabbiltà, l-issodisfar professjonali u personali, u ċ-ċittadinanza attiva tagħhom. F'dan il-kuntest, il-faċilitazzjoni tal-kisba effettiva tal-lingwa(i) tal-pajjiż ospitanti hija l-ewwel prijorità. Barra minn hekk, l-integrazzjoni b'suċċess ta' migranti tiddependi wkoll mill-iżvilupp tal-ħiliet interkulturali fost l-għalliema, min iħarreġ, il-mexxejja tal-iskola, membri oħra tal-persunal involut fl-edukazzjoni, l-istudenti u l-ġenituri sabiex ikun żgurat li kulħadd ikun ippreparat għad-diversità multikulturali fl-ambjent tat-tagħlim. Id-dimensjoni Ewropea tal-migrazzjoni tissottolinja r-rilevanza tal-appoġġ sħiħ lill-Istati Membri fl-azzjonijiet tagħhom ta' integrazzjoni, pereżempju permezz tal-inklużjoni ta' analiżi konġunta, tagħlim bejn il-pari, konferenzi u l-kondiviżjoni tal-prattiki tajba.

2.3.   Tagħlim rilevanti u ta' kwalità għolja jeħtieġ …

Użu iktar attiv ta' pedagoġiji innovattivi u għodod għall-iżvilupp ta' kompetenzi diġitali : L-edukazzjoni u t-taħriġ — fil-livelli kollha — jistgħu jibbenefikaw mill-introduzzjoni ta' materjal didattiku u prattiki pedagoġiċi innovattivi ttestjati sew li jkunu wrew il-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu b'mod konkret għal tagħlim inklużiv għal studenti differenti li permezz tiegħu jħossuhom involuti. Diversi Stati Membri rrapportaw li saru inizjattivi biex iżidu l-kompetenzi diġitali tal-għalliema u ta' dawk li jkunu qegħdin jitgħallmu u terz minnhom introduċew strateġiji nazzjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-edukazzjoni. Madankollu, għad fadal sfidi enormi. Is-soċjetajiet qed isiru dejjem aktar diġitali, u b'hekk qed tiżdied id-domanda għall-kompetenzi diġitali. Jeħtieġ li l-edukazzjoni u t-taħriġ jindirizzaw din il-ħtieġa, li teħtieġ investiment fl-infrastruttura, bidla organizzattiva, apparati diġitali u kompetenzi diġitali għall-għalliema, min iħarreġ, il-mexxejja tal-iskejjel u membri oħra tal-persunal involuti fl-edukazzjoni, kif ukoll il-ħolqien ta' riżorsi edukattivi diġitali (u miftuħa) u ta' software edukattiv ta' kwalità għolja. L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom igawdu mill-benefiċċji tal-iżviluppi l-ġodda tal-ICT u għandhom jadottaw pedagoġiji innovattivi u attivi, ibbażati fuq metodi parteċipatorji u bbażati fuq proġetti. Ambjenti ta' tagħlim miftuħ — bħalma huma l-libreriji pubbliċi, iċ-ċentri miftuħa ta' edukazzjoni għall-adulti u l-universitajiet miftuħa — jistgħu jgħinu l-kollaborazzjoni bejn is-setturi edukattivi, inkluż għal studenti żvantaġġati.

Appoġġ qawwi għall-għalliema, min iħarreġ, il-mexxejja tal-iskejjel u membri oħra tal-persunal involuti fl-edukazzjoni, li għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tas-suċċess tal-istudenti u fl-implimentazzjoni tal-politika edukattiva : Bosta Stati Membri jirrappurtaw miżuri biex jitjieb it-taħriġ għall-għalliema u jisħqu fuq il-fatt li l-edukazzjoni inizjali u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema u ta' min iħarreġ għandhom ikunu xierqa għar-rwol li jridu jaqdu, u jlaqqgħu flimkien is-suġġett, il-pedagoġija u l-prattika. It-tgħammir tal-persunal rilevanti fil-livelli kollha u fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ b'ħiliet u kompetenzi pedagoġiċi b'saħħithom, abbażi ta' riċerka u prattika soda, jibqa' prijorità. Huma għandhom ikunu mħarrġa biex jittrattaw il-ħtiġijiet individwali tal-istudenti u d-diversità dejjem akbar marbuta mal-isfondi soċjali, kulturali, ekonomiċi u ġeografiċi, sabiex jiġi evitat it-tluq bikri mill-iskola u sabiex jintużaw pedagoġiji u għodod tal-ICT innovattivi bl-aħjar mod possibbli, filwaqt li jkollhom appoġġ introduttorju fil-bidu tal-karriera tagħhom.

F'ħafna pajjiżi, kulma jmur, in-nuqqas ta' persunal qiegħed ifixkel it-tagħlim ta' kwalità, filwaqt li l-interess fil-karrieri ta' għalliema qiegħed jonqos dejjem aktar. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżdiedu l-attraenza u l-istatus tal-professjoni tat-tagħlim. (12) Jinħtieġu politiki komprensivi fit-tul sabiex ikun żgurat li jintgħażlu l-iżjed kandidati adattati, li ġejjin minn ambjenti u għandhom esperjenzi differenti, u li l-għalliema jkollhom opportunitajiet attraenti għall-iżvilupp tal-karriera, ukoll bil-ħsieb li jagħmlu tajjeb għall-iżbilanċ eżistenti qawwi bejn is-sessi.

L-iffaċilitar tal-mobbiltà fit-tagħlim fil-livelli kollha : L-ewwel Tabella ta' Valutazzjoni dwar il-Mobbiltà (2014), prodotta bħala segwitu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011 dwar il-mobbiltà għal finijiet ta' tagħlim, turi li l-ambjent għall-mobbiltà għal finijiet ta' tagħlim ivarja ferm bejn l-Istati Membri, u li għad baqa' ostakli sinifikanti għall-informazzjoni, l-appoġġ lill-istudenti u r-rikonoxximent tagħhom. Jeħtieġ li l-azzjonijiet dwar it-trasparenza, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kwalifiki jiġu traċċati u segwiti. Hemm bżonn ta' data aħjar għall-monitoraġġ tal-evidenza dwar il-mobbiltà.

L-appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni fl-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ser jibqa' prijorità. Dan jista' jinkludi l-kooperazzjoni politika ma' reġjuni oħra tad-dinja dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-promozzjoni tar-riżultati tat-tagħlim, l-iżvilupp ta' sħubiji strateġiċi u korsijiet konġunti, u l-promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti, il-persunal u r-riċerkaturi, kif ukoll ħidma li tiffaċilita l-użu ta' kwalifiki miksuba barra mill-UE.

Għodod imsaħħa u ssimplifikati tal-UE tat-trasparenza u r-rikonoxximent, u sinerġija akbar bejniethom : L-għodod tat-trasparenza u r-rikonoxximent huma essenzjali għall-mobbiltà, il-kapaċità għall-impjieg u t-tagħlim tul il-ħajja. Uħud minnhom, bħall-Europass, jintużaw ħafna. Biex jiżguraw trasparenza akbar, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri żviluppaw Oqfsa ta' Kwalifiki Nazzjonali (NQF) u qabbluhom mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK). Diversi Stati Membri implimentaw is-Sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET), l-Assigurazzjoni Ewropea tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) u l-Qafas tal-Kwalifiki taż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (QF-EHEA).

Ħidma ulterjuri għandha tippromwovi l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll tiffaċilita t-trasparenza u l-komparabbiltà tal-kwalifiki madwar l-Ewropa. Fir-rigward ta' migranti li jkunu għadhom kif waslu, l-istrumenti eżistenti ta' trasparenza jistgħu wkoll jgħinu biex kwalifiki barranin jiġu mifhuma aħjar fl-UE, u viċi versa. Ir-rikonoxximent u l-validazzjoni adegwati jistgħu jservu ta' appoġġ għall-bidu tal-użu ta' prattiki ta' tagħlim miftuħa u innovattivi, inklużi dawk li jużaw it-teknoloġija diġitali.

Ħidma ulterjuri għandha tiffoka wkoll fuq l-implimentazzjoni aktar effikaċi tal-QEK u tan-NQFs u fuq l-iżvilupp ulterjuri tal-QEK biex tiżdied it-trasparenza u l-komparabbiltà tal-kwalifiki. L-użu tal-QEK u tan-NQF jistgħu jappoġġaw prattiki eżistenti ta' rikonoxximent u b'hekk jiffaċilitaw il-proċess ta' rikonoxximent.

Wara valutazzjoni preliminari tal-impatt, għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll biex l-istrumenti eżistenti tal-UE bħal għodda, portali u servizzi oħra dwar il-ħiliet u l-kwalifiki li huma diretti lejn il-pubbliku inġenerali jiġu simplifikati u razzjonalizzati bil-ħsieb li tissaħħaħ il-komunikazzjoni.

Tnaqqis tad-diskrepanza fl-investiment : L-investiment effettiv fl-edukazzjoni u fit-taħriġ ta' kwalità huwa sors ta' tkabbir sostenibbli. Madankollu mill-kriżi 'l hawn, il-baġits pubbliċi baqgħu ristretti u diversi Stati Membri, f'termini reali, naqqsu n-nefqa tagħhom għall-edukazzjoni u għat-taħriġ. Dan jagħti x'tifhem li jeħtieġ li l-Istati Membri jiġu appoġġati biex ifasslu riformi li jsarrfu f'edukazzjoni u f'taħriġ ta' kwalità li jkunu iktar effiċjenti, fi ħdan kuntest soċjetali wiesa'. Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, Erasmus+, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, inklużi l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, u Orizzont 2020 jistgħu jgħinu biex jiġu xprunati l-investimenti u biex jiġu appoġġati l-prijoritajiet tal-politika ta' ET 2020, filwaqt li jiġu żgurati rabtiet sodi mal-politiki.

3.   GOVERNANZA U METODI TA' ĦIDMA

Mir-Rapport Konġunt tal-2012 il-governanza tal-ET 2020 tjiebet, b'mod partikolari bit-tisħiħ tal-mod kif tinġabar l-evidenza (il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ) u tal-karatteristika operattiva tal-Gruppi ta' Ħidma, u bl-iżvilupp ta' pjattaformi regolari għal skambji bejn il-partijiet interessati ewlenin, fosthom il-Forum dwar l-Edukazzjoni, it-Taħriġ u ż-Żgħażagħ. Ir-rendikont jindika li hemm kunsens dwar l-approċċ li ġej għaċ-ċiklu ta' ħidma li jmiss:

Evidenza analitika u monitoraġġ tal-progress qawwijin huma essenzjali għall-effikaċja tal-qafas tal-ET 2020, u ser jitwettqu f'kooperazzjoni mal-Eurostat, in-netwerk Eurydice, is-Cedefop, l-OECD u ma' organizzazzjonijiet oħra.

Is-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tar-rappurtar fi ħdan il-qafas tal-ET 2020 jibqgħu prijorità u ser jiġu megħjuna bl-estensjoni taċ-ċiklu ta' ħidma għal 5 snin. Ser isir l-aħjar użu mill-fatti u ċ-ċifri analitiċi u aġġornati pprovduti, pereżempju, permezz tan-netwerk Eurydice u s-Cedefop (ReferNet). Barra minn hekk, fil-kapitoli speċifiċi għall-pajjiż tal-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ, id-data nazzjonali aġġornata ser tiġi meqjusa wkoll, jekk tkun metodoloġikament soda.

Rabtiet aktar b'saħħithom bejn l-edukazzjoni, in-negozju u r-riċerka, kif ukoll l-involviment tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili , ser isaħħu l-impatt tal-ET 2020 u r-rilevanza tas-sistemi ta' tagħlim biex iżidu l-kapaċità innovattiva tal-Ewropa. L-Alleanzi tal-Għarfien u l-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali fil-programm Erasmus+, l-azzjonijiet tal-programm Marie Skłodowska-Curie u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija fil-programm qafas Orizzont 2020 qed iwittu t-triq f'dan ir-rigward. L-involviment tal-partijiet interessati ser jingħata spinta wkoll permezz tal-Forum dwar l-Edukazzjoni, it-Taħriġ u ż-Żgħażagħ, tal-Forum Ewropew bejn l-Universitajiet u l-Impriżi, tal-Forum bejn l-ETV u l-Impriżi, u tal-Fora Tematiċi fl-Istati Membri. Il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili Ewropea u mal-imsieħba soċjali Ewropej ser tissokta sabiex l-esperjenza u l-kapaċità ta' komunikazzjoni tagħhom ikunu jistgħu jintużaw bl-aħjar mod.

L-għodod tal-ET 2020 taw xhieda tal-valur tagħhom, iżda mhux dejjem kellhom impatt effettiv fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari minħabba nuqqas ta' sinkronizzazzjoni tal-attivitajiet, nuqqasijiet fit-tixrid u livell baxx ta' sensibilizzazzjoni nazzjonali dwar il-ħtieġa ta' riżultati. Is-sett ta' għodod tal-ET 2020 ser jissaħħaħ:

Sabiex it-trasparenza u l-koerenza tal-attivitajiet tal-ET 2020 jitjiebu, il-Kummissjoni — f'kooperazzjoni mal-Istati Membri (inkluż it-Triju ta' Presidenzi tal-Kunsill) -ser tħejji Pjan ta' Ħidma kontinwu u indikattiv tal- ET 2020 , li jintegra u jipprovdi idea ġenerali ċara tal-attivitajiet ewlenin u l-avvenimenti ta' tagħlim bejn il-pari ppjanati għal-laqgħat informali ta' uffiċjali għolja, jiġifieri matul il-laqgħat tad-Diretturi Ġenerali għall-iskejjel, għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u għall-edukazzjoni għolja (“laqgħat tad-DĠ”) u l-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, il-Gruppi ta' Ħidma tal-ET 2020, il-Grupp ta' Konsulenza tal-QEF u l-Grupp Permanenti fuq l-Indikaturi u l-Punti ta' Referenza.

Mill-2016 'il quddiem, ġenerazzjoni ġdida ta' Gruppi ta' Ħidma  (13) ser taħdem fuq il- kwistjonijiet konkreti tal-ET 2020 elenkati fl-Anness. Il-mandati ta' dawn il-Gruppi ta' Ħidma ser jiġu proposti mill-Kummissjoni u aġġustati skont il-kummenti espressi mill-Istati Membri, b'mod partikolari permezz tal-Kumitat tal-Edukazzjoni. Il-Gruppi ser jirrappurtaw regolarment lill-gruppi informali rilevanti ta' uffiċjali għoljin (jiġifieri l-laqgħat tad-DĠ u l-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ) li jipprovdu tmexxija, u lill-Kumitat tal-Edukazzjoni li jwassal ir-riżultati rilevanti għall-attenzjoni tal-Kunsill. Ser ikunu mħeġġa metodi ta' ħidma innovattivi u ser isir tixrid aħjar tar-riżultati li joħorġu mill-Gruppi sabiex l-għarfien ikun jista' jitqassam aħjar, kif ukoll biex tkun iffaċilitata l-ħidma ta' wara.

L-attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari tal-ET 2020 , li s-soltu jsiru fil-Gruppi ta' Ħidma, ser jissaħħu u ser jippermettu lill-Istati Membri li għandhom sfidi ta' politika simili biex jaħdmu ma' xulxin. L- evalwazzjoni bejn il-pari , organizzata bl-implimentazzjoni tar-Rapport Konġunt 2012 fuq bażi volontarja u li tiffoka fuq sfidi speċifiċi għall-pajjiż, kienet ta' għajnuna fil-kuntest tal-laqgħat informali tad-DĠ iżda teħtieġ aktar tħejjija u djalogu interattiv. L- għoti ta' konsulenza bejn il-pari mfassla apposta jista' jintuża wkoll biex jappoġġa aġenda partikolari ta' riforma nazzjonali. (14)

It- tixrid ta' prattiki tajba u tagħlimiet meħuda, bl-użu ta' evidenza internazzjonali meta rilevanti, ser jissaħħaħ permezz ta' avvenimenti tematiċi, skambji ta' tagħlim tal-politika u kwalunkwe arranġament għat-trasferiment tal-għarfien u skambji dwar x'jaħdem fl-edukazzjoni. Biex jiġi ffaċilitat l-użu effettiv ta' ċerti riżultati ewlenin tal-ET 2020 minn partijiet interessati fl-edukazzjoni u t-taħriġ, ser tingħata attenzjoni speċjali għat-tixrid tal-messaġġi essenzjali fil-lingwi uffiċjali tal-UE, skont kemm jippermettu r-riżorsi. Barra minn hekk, l-arranġamenti għat-tixrid ser jiġu inklużi fil-mandati tal-Gruppi ta' Ħidma tal-ET 2020 u ser jiġu riflessi fil-Pjan ta' Ħidma kontinwu.

Il- Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ , sinkronizzat mas-Semestru Ewropew u li jipprovdi evidenza aġġornata tematika u speċifika għall-pajjiż, ser jintuża sistematikament bħala sors ta' tagħrif fid-dibattiti ta' politika fil-livell tal-Kunsill, kif ukoll il-Parlament Ewropew, fid-diskussjonijiet dwar l-isfidi u r-riformi fl-edukazzjoni.

Ser isir użu sħiħ mill-potenzjal tal- programm Erasmus+ biex jiżdied l-impatt tal-għodod tal-ET 2020, fost l-oħrajn billi t-tħejjija għall-esperiment azzjonijiet ta' politika tiġi ankrata fil-Gruppi ta' Ħidma u billi tintuża l-evidenza miġbura permezz ta' proġetti eċċellenti.

Filwaqt li ttieħdu passi pożittivi biex jippromwovu l-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ mal-Kumitat tal-Impjiegi b'segwitu għar-Rapport Konġunt tal-2012, għad hemm lok biex jiġu esplorati modi kif tista' tittejjeb u tiġi strutturata aħjar din ir-relazzjoni, pereżempju billi jiġi imħeġġeġ aktar dibattitu bbażat fuq l-evidenza dwar kwistjonijiet ta' kapital uman skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill (EPSCO) tad-9 ta' Marzu 2015.

Billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni kemm fi ħdan il-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport kif ukoll ma' formazzjonijiet oħra tal-Kunsill.


(1)  Ippreżentat mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker lill-Parlament Ewropew fi Strasburgu fil-15 ta' Lulju 2014.

(2)  Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, Pariġi, 17 ta' Marzu 2015.

(3)  Dan li ġej għandu japplika fejn issir referenza f'dan it-test għall-migranti:

Dan huwa mingħajr ħsara għas-sitwazzjoni legali dwar l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal kategoriji differenti ta' migranti, kif definit fil-liġi internazzjonali applikabbli, il-liġi tal-Unjoni Ewropea u l-liġi nazzjonali.

(4)  Ir-riżultati PISA tal-OECD għall-2012: Eċċellenza permezz tal-ekwità.

(5)  L-Istħarriġ dwar il-Ħiliet tal-Adulti: Implikazzjonijiet għall-politika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea (2013).

(6)  Il-parti tal-popolazzjoni ta' bejn it-18 u l-24 sena li għandhom biss edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas u li ma għadhomx jirċievu edukazzjoni jew taħriġ.

(7)  Il-perċentwal ta' dawk bejn it-30 u l-34 sena li lestew b'suċċess il-livell ta' edukazzjoni terzjarja (Eurostat).

(8)  It-tagħlim u l-kisba ta' kompetenzi diġitali mhumiex limitati għal sempliċi ħiliet tal-ICT u jinvolvu l-użu sikur, kollaborattiv u kreattiv tal-ICT, inkluż fir-rigward tal-ikkowdjar.

(9)  Ir-Renju Unit vvota kontra din ir-Rakkomandazzjoni.

(10)  Ara b'mod partikolari l-istħarriġ tal-OECD dwar il-ħiliet tal-adulti, imwettqa taħt il-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Kompetenzi tal-Adulti (PIAAC).

(11)  L-edukazzjoni mhux formali hija importanti biex tippromovi l-parteċipazzjoni soċjali u demokratika taż-żgħażagħ, li hija prijorità skont il-qafas ta' kooperazzjoni tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ (Rapport tal-UE tal-2015 dwar iż-Żgħażagħ).

(12)  Ara l-istudju tal-Kummissjoni Ewropea dwar Miżuri ta' Politika biex Titjieb l-Attraenza tal-Professjoni tal-Tagħlim fl-Ewropa (2013).

(13)  Dawn il-gruppi ta' ħidma — stabbiliti għall-ewwel darba mill-Kummissjoni taħt il-programm ta' ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010 sabiex jimplimentaw il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ — joffru forum għall-iskambju tal-aqwa prattiki f'dawn l-oqsma. Dawn — fuq bażi volontarja — ilaqqgħu esperti mill-Istati Membri.

(14)  L-għoti ta' konsulenza bejn il-pari huwa strument li jgħaqqad flimkien, fuq bażi volontarja u trasparenti, pari professjonali minn għadd żgħir ta' amministrazzjonijiet nazzjonali biex jipprovdu parir estern lil pajjiż fil-proċess ta' żvilupp sinifikanti fil-politika. Huwa maħsub biex imur lil hinn mill-qsim ta' informazzjoni u jipprovdi forum biex jinstabu soluzzjonijiet għal sfidi nazzjonali f'sessjoni ta' ħidma parteċipattiva.


ANNESS

OQSMA PRIJORITARJI GĦALL-KOOPERAZZJONI EWROPEA FL-EDUKAZZJONI U T-TAĦRIĠ

Ir-rendikont ta' nofs it-terminu kkonferma r-rilevanza tal-erba' għanijiet strateġiċi tal-ET 2020 stipulati mill-Kunsill fl-2009, jiġifieri:

1.

Li t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà jsiru realtà;

2.

It-titjib tal-kwalità u tal-effiċjenza tal-edukazzjoni u tat-taħriġ;

3.

Il-promozzjoni tal-ekwità, tal-koeżjoni soċjali u taċ-ċittadinanza attiva;

4.

It-tisħiħ tal-kreattività u tal-innovazzjoni, inkluż l-intraprenditorija, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Fi ħdan dawn l-għanijiet strateġiċi, l-eżerċizzju tar-rendikont enfasizza l-għan komuni tal-Istati Membri biex jissimplifikaw l-oqsma prijoritarji attwali għal azzjoni. It-tabella ta' hawn taħt tipproponi tnaqqis minn 13-il qasam prijoritarju għal sitta, kull wieħed minnhom jista' jikkontribwixxi għal għan strateġiku wieħed jew iktar għall-perijodu sal-2020, b'mod li jkun koerenti għalkollox mal-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-UE u li jikkontribwixxi għalihom.

Fit-tabella ta' hawn taħt, l-oqsma prijoritarji huma maqsuma fi kwistjonijiet konkreti , bi tweġiba għat-talba tal-Kunsill għal indikazzjoni iktar konkreta tas-suġġetti għal ħidma fil-ġejjieni. Dawn l-oqsma ser jiġu segwiti bil-metodi ta' ħidma tal-ET 2020 u tas-sett tal-għodod tiegħu; dawn l-oqsma (i) jirriflettu sfida komuni għall-Istati Membri; u (ii) juru l-valur miżjud ladarba jiġu indirizzati fil-livell Ewropew. Il-kwistjonijiet konkreti ser jiffurmaw il-bażi għall-mandati tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' Gruppi ta' Ħidma tal-ET 2020.

F'konformità mal-prijoritajiet nazzjonali, l-Istati Membri ser jagħżlu f'liema oqsma u kwistjonijiet ta' ħidma u ta' kooperazzjoni jixtiequ jieħdu sehem.

Oqsma prijoritarji

Kwistjonijiet konkreti

1

Għarfien, ħiliet u kompetenzi rilevanti u ta' kwalità għolja żviluppati waqt it-tagħlim tul il-ħajja, b'enfasi fuq il-kisba ta' tagħlim għall-impjegabbiltà, l-innovazzjoni, iċ-ċittadinanza attiva u l-benesseri

i.

It-tisħiħ tal-azzjoni ta' politika mmirata biex tgħolli l-livell milħuq madwar l-Ewropa tal-ħiliet bażiċi, li jkopru l-lingwa, il-litteriżmu, il-matematika, ix-xjenza u l-litteriżmu diġitali

ii.

It-tisħiħ tal-iżvilupp ta' ħiliet trasversali u kompetenzi ewlenin, f'konformità mal-Qafas ta' Referenza dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari l-kompetenzi diġitali, intraprenditorjali u lingwistiċi

iii.

It-tnedija mill-ġdid u l-kontinwazzjoni tal-istrateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja u l-indirizzar tal-fażijiet ta' transizzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li, permezz ta' gwida ta' kwalità għolja, jiġu promossi t-transizzjonijiet lejn u bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-edukazzjoni għolja u t-tagħlim għall-adulti, inklużi t-tagħlim mhux formali u informali, u mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol

iv.

It-trawwim ta' aċċess ġeneralizzat u ġust għal edukazzjoni u kura fit-tfulija bikrija ta' kwalità għolja u bi prezz raġonevoli, speċjalment għal dawk żvantaġġati, u l-avvanz tal-Qafas tal-Kwalità f'dan il-qasam

v.

It-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola bl-appoġġ ta' strateġiji bbażati fl-iskejjel b'viżjoni ġenerali inklużiva li tpoġġi lill-istudent fiċ-ċentru tagħha u b'opportunitajiet għal “ċans ieħor”, b'enfasi fuq ambjenti u pedagoġiji ta' tagħlim effettivi

vi.

Il-promozzjoni tar-rilevanza tal-edukazzjoni għolja għas-suq tax-xogħol u s-soċjetà, fosthom permezz ta' għarfien u ta' antiċipazzjoni aħjar tal-ħtiġijiet u r-riżultati tas-suq tax-xogħol, pereżempju billi jiġu segwiti l-karrieri ta' gradwati, bl-istimulazzjoni tal-iżvilupp ta' kurrikuli, b'iktar tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u b'kooperazzjoni mtejba bejn l-istituzzjonijiet u min iħaddem

vii.

L-implimentazzjoni tar-riżultati ta' terminu medju ta' Riga fl-ETV (ara d-dettalji fl-aħħar tat-test), filwaqt li tissaħħaħ l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u tissaħħaħ l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta' ħiliet għas-suq tax-xogħol

viii.

L-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea Mġedda għat-tagħlim għall-adulti (ara d-dettalji fi tmiem it-test)

2

Edukazzjoni inklużiva, ugwaljanza, ekwità, nondiskriminazzjoni u l-promozzjoni ta' kompetenzi ċiviċi

i.

L-indirizzar taż-żieda fid-diversità tal-istudenti u t-titjib tal-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ġenerali inklussivi u ta' kwalità tajba għall-istudenti kollha, anke għall-gruppi żvantaġġati, bħal studenti bi bżonnijiet speċjali, migranti li jkunu għadhom kif jaslu, nies li ġejjin minn ambjenti ta' migrazzjoni u r-Rom, filwaqt li jiġu indirizzati d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, is-segregazzjoni, il-bullying (inkluż il-bullying ċibernetiku), il-vjolenza u l-isterjotipi

ii.

L-indirizzar tal-kwistjoni tad-disparità bejn is-sessi fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u ta' opportunitajiet mhux ugwali għan-nisa u l-irġiel, u l-promozzjoni ta' għażliet edukattivi b'iżjed bilanċ bejn is-sessi

iii.

Il-faċilitazzjoni tal-kisba effettiva tal-lingwa/i tal-edukazzjoni u tal-impjiegi minn migranti permezz ta' tagħlim formali u mhux formali

iv.

Il-promozzjoni tal-kompetenzi ċiviċi, interkulturali, u soċjali, il-fehim u r-rispett reċiproċi, u s-sens ta' sjieda tal-valuri demokratiċi u tad-drittijiet fundamentali f'kull livell tal-edukazzjoni u t-taħriġ

v.

It-tisħiħ tal-ħsieb kritiku, flimkien mal-litteriżmu ċibernetiku u tal-mezzi ta' komunikazzjoni

3

Edukazzjoni u taħriġ miftuħa u innovattivi, fost l-oħrajn permezz tal-aċċettazzjoni sħiħa tal-era diġitali

i.

L-esplorazzjoni ulterjuri tal-potenzjal ta' pedagoġiji innovattivi u attivi bħat-tagħlim interdixxiplinari u l-metodi kollaborattivi, sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp ta' ħiliet u ta' kompetenzi rilevanti u ta' livell għoli, filwaqt li titrawwem l-edukazzjoni inklussiva, anke għal studenti żvantaġġati u dawk b'diżabbiltà

ii.

It-trawwim tal-kooperazzjoni billi jiġi stimulat l-involviment ta' studenti, għalliema, persuni li jħarrġu, mexxejja ta' skejjel u membri oħra tal-persunal edukattiv, ġenituri u l-komunità lokali usa' bħal gruppi tas-soċjetà ċivili, imsieħba soċjali u negozji

iii.

Iż-żieda ta' sinerġiji bejn attivitajiet ta' edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni, b'perspettiva ta' tkabbir sostenibbli, li jibnu fuq l-iżviluppi fl-edukazzjoni għolja, b'enfasi ġdida fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-iskejjel

iv.

Il-promozzjoni tal-użu tal-ICT bil-ħsieb li tiżdied il-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni fuq il-livelli kollha

v.

Tingħata spinta lid-disponibbiltà u l-kwalità tar-riżorsi edukattivi u l-pedagoġiji miftuħa u diġitali fil-livelli edukattivi kollha, f'kooperazzjoni mal-komunitajiet Ewropej b'sors miftuħ

vi.

L-indirizzar tal-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali fil-livelli kollha ta' tagħlim, inkluż dak mhux formali u informali, bi tweġiba għar-rivoluzzjoni diġitali

4

Appoġġ qawwi għall-għalliema, min iħarreġ, mexxejja ta' skejjel u persunal edukattiv ieħor

i.

It-tisħiħ tar-reklutaġġ, tal-għażla u tat-tħejjija inizjali tal-aħjar u l-iżjed kandidati adattati għall-professjoni tal-għalliema

ii.

Iż-żieda fl-attrazzjoni u fl-istatus tal-professjoni tal-għalliema, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa

iii.

L-appoġġ għall-edukazzjoni inizjali u għall-iżvilupp professjonali kontinwu fuq il-livelli kollha, speċjalment biex tiġi indirizzata d-diversità dejjem akbar tal-istudenti, it-tluq bikri mill-iskola, it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, il-kompetenzi diġitali u l-pedagoġiji innovattivi, inkluż permezz ta' għodod tal-UE bħall-Ġemellaġġ elettroniku (eTwinning), il-Portal tal-Edukazzjoni Skolastika u l-Pjattaforma elettronika tat-Tagħlim għall-Adulti fl-Ewropa (EPALE)

iv.

L-appoġġ għall-promozzjoni tal-eċċellenza fit-tagħlim fil-livelli kollha, fit-tfassil ta' programmi tal-edukazzjoni għall-għalliema u fl-organizzazzjoni tat-tagħlim u strutturi ta' inċentivi, kif ukoll it-tiftix għal modi ġodda biex titkejjel il-kwalità fit-taħriġ tal-għalliema

5

Trasparenza u rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kwalifiki biex jiġu ffaċilitati l-mobbiltà għat-tagħlim u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol

i.

It-trawwim tat-trasparenza, tal-assigurazzjoni tal-kwalità, tal-validazzjoni u b'hekk tar-rikonoxximent tal-ħiliet u/jew tal-kwalifiki, inklużi dawk li jkunu nkisbu permezz ta' riżorsi ta' tagħlim miftuħa, online u diġitali, kif ukoll tat-tagħlim mhux formali u informali

ii.

Is-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-għodod tat-trasparenza, tad-dokumentazzjoni, tal-validazzjoni u tar-rikonoxximent li jinvolvu komunikazzjoni diretta mal-istudenti, mal-ħaddiema u ma' min iħaddem, u aktar implimentazzjoni tal-QEK u tal-oqfsa ta' kwalifiki nazzjonali

iii.

L-appoġġ għall-mobbiltà ta' studenti, apprendisti, għalliema, membri tal-persunal edukattiv u riċerkaturi

iv.

L-iżvilupp ta' sħubijiet strateġiċi u korsijiet konġunti, b'mod partikolari permezz taż-żieda tal-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali

6

Investiment sostenibbli, kwalità u effiċjenza tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ

i.

L-esplorazzjoni tal-potenzjal tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, fost l-oħrajn permezz tal-promozzjoni ta' mudelli ta' finanzjament li jattiraw atturi u kapital mill-privat

ii.

L-Istati Membri jiġu mħeġġa jużaw metodu ta' tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza, li jinkludi l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ, biex jissorveljaw politiki u jfasslu riformi li jwasslu edukazzjoni ta' kwalità b'mod aktar effiċjenti

iii.

Metodi aktar innovattivi jkunu inkoraġġuti biex jiġi żgurat investiment sostenibbli fl-edukazzjoni u t-taħriġ, l-eżami ta' forom ta' fondi mogħtija skont il-prestazzjoni u l-qsim ta' spejjeż, fejn xieraq

PRIJORITAJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-EDUKAZZJONI U T-TAĦRIĠ VOKAZZJONALI U GĦAT-TAGĦLIM GĦALL-ADULTI SAL-2020

L-aġendi settorjali għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (il-proċess ta' Copenhagen-Bruges) u għat-tagħlim għall-adulti jeħtieġu identifikazzjoni iżjed dettaljata — u approvazzjoni permezz ta' dan ir-Rapport Konġunt — tar-riżultati/tal-prijoritajiet għall-perjodu sal-2020.

I.   EDUKAZZJONI U TAĦRIĠ VOKAZZJONALI (ETV)

Il-konklużjonijiet ta' Riga tat-22 ta' Ġunju 2015 ipproponew dan is-sett il-ġdid ta' riżultati fuq perjodu medju ta' żmien (1) fil-qasam tal-ETV għall-perjodu 2015-2020:

Il-promozzjoni ta' tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fil-forom kollha tiegħu, b'attenzjoni speċjali għall-apprendistati, billi jiġu involuti l-imsieħba soċjali, il-kumpaniji, il-Kmamar tal-Kummerċ u l-fornituri tal-ETV, kif ukoll billi tingħata spinta lill-innovazzjoni u lill-intraprenditorija.

L-iżvilupp ulterjuri ta' mekkaniżmi għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-ETV f'konformità mar-rakkomandazzjoni dwar l-EQAVET (2) u, bħala parti mis-sistemi għall-assigurazzjoni tal-kwalità, l-istabbiliment ta' ċikli kontinwi ta' tagħrif u ta' reazzjoni għas-sistemi tal-ETV inizjali (ETV-I) u tal-ETV kontinwu (ETV-K)  (3) abbażi tar-riżultati tat-tagħlim.

Iż-żieda fl-aċċess għall-ETV u kwalifiki għal kulħadd permezz ta' sistemi iktar flessibbli u permeabbli, b'mod partikolari billi jiġu offruti servizzi ta' gwida effiċjenti u integrati u billi l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali ssir disponibbli.

Aktar tisħiħ tal-kompetenzi ewlenin fil-kurrikuli tal-ETV u l-għoti ta' opportunitajiet iktar effettivi għall-ksib jew għall-iżvilupp ta' dawk il-ħiliet permezz tal-ETV-I u tal-ETV-K.

L-introduzzjoni ta' approċċi sistematiċi u ta' opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-għalliema, ta' dawk li jħarrġu u tal-konsulenti tal-ETV kemm fl-ambjent tal-iskola kif ukoll f'dak tax-xogħol.

II.   TAGĦLIM GĦALL-ADULTI

L-Aġenda Ewropea Mġedda għat-tagħlim fost l-adulti (4) li l-Kunsill adotta fl-2011 kienet tiddeskrivi għadd ta' oqsma prijoritarji għall-perjodu 2012-2014, iżda lil dawn poġġiethom f'perspettiva aktar fit-tul allinjata mal-erba' għanijiet strateġiċi tal-ET 2020. Il-prijoritajiet speċifiċi li, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jikkonċentraw fuqhom sal-2020 sabiex tintlaħaq il-viżjoni aktar fit-tul tal-aġenda, huma kif ġej:

Governanza: l-iżgurar tal-koerenza tat-tagħlim għall-adulti ma' oqsma oħra ta' politika, it-titjib tal-koordinazzjoni, l-effikaċja u r-rilevanza skont il-ħtiġijiet tas-soċjetà, l-ekonomija u l-ambjent; iż-żieda, fejn xieraq, tal-investiment privat kif ukoll pubbliku.

Provvista u użu: iż-żieda b'mod sinifikanti fil-provvista ta' tagħlim ta' kwalità għolja għall-adulti, speċjalment fil-litteriżmu, fil-matematika bażika u fil-ħiliet diġitali, u ż-żieda fl-użu ta' dawn l-opportunitajiet ta' tagħlim permezz ta' strateġiji effettivi ta' komunikazzjoni, gwida u motivazzjoni mmirati lejn il-gruppi l-iktar fil-bżonn.

Flessibbiltà u aċċess: it-twessigħ tal-aċċess billi t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol isir iżjed disponibbli u billi jsir użu effettiv tal-ICT; jiġu stabbiliti proċeduri biex jiġu identifikati u vvalutati l-ħiliet ta' adulti bi kwalifiki baxxi u l-għoti ta' biżżejjed opportunitajiet li jagħtu ċans ieħor ta' tagħlim u li jwasslu għal kwalifika rikonoxxuta tal-QEK għal dawk mingħajr kwalifiki tal-livell 4.

Kwalità: it-titjib fl-assigurazzjoni tal-kwalità, inklużi l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-impatt, it-titjib fl-edukazzjoni inizjali u kontinwa tal-għalliema tal-adulti, u l-ġbir tad-data neċessarja dwar x'hemm bżonn biex it-tagħlim li jingħata jkun immirat u mfassal b'mod effikaċi.


(1)  http://ec.europa.eu/education/policy/vocational-policy/doc/2015-riga-conclusions_en.pdf

(2)  ĠU C 155, 8.7.2009

(3)  ĠU C 324, 1.12.2010, p. 5.

(4)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1.


15.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/36


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel u l-promozzjoni tas-suċċess fl-iskola

(2015/C 417/05)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FIL-KUNTEST TA'

Il-mira tal-Ewropa 2020 fil-qasam tal-edukazzjoni biex titnaqqas ir-rata medja Ewropea ta' dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien (1) għal inqas minn 10 % sal-2020 (2);

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) (3);

Ir-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ (4),

B'KONT MEĦUD TA'

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (5);

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ; (6)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal: nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada (7);

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel (8), b'mod partikolari il-qafas ta' politika anness, u l-appell tagħha li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ linji politiċi komprensivi dwar it-tluq bikri mill-iskola, li jinkludu miżuri ta' prevenzjoni, intervent u kumpens sa tmiem l-2012;

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar l-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola (9);

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (10);

Id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tas-17 ta' Marzu 2015 dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni,

U FID-DAWL TA'

Is-simpożju tal-Presidenza Lussemburgiża Staying on Tracktackling early school leaving and promoting success in school li sar fil-Lussemburgu fid-9 u l-10 ta' Lulju 2015, li laqqa' flimkien parteċipanti mill-UE kollha fl-oqsma tat-tfassil tal-politika, ir-riċerka u l-prattika biex jiġi diskuss dan is-suġġett importanti;

Il-konferenza tal-Presidenza Lussemburgiża dwar id-Diversità u l-Multilingwiżmu fl-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal li saret fil-Lussemburgu fl-10 u l-11 ta' Settembru 2015;

Ir-rapport finali tal-2013 tal-Grupp ta' Ħidma Tematiku ET2020 dwar it-tluq bikri mill-iskola u l-messaġġi ta' politika tal-2015 tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Politika tal-Iskejjel;

Ir-rapport tal-2014 tal-Grupp ta' Ħidma Tematiku ET2020 dwar l-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal li jipproponi prinċipji ewlenin għal Qafas ta' Kwalità f'dan il-qasam,

JIKKUNSIDRA LI

Fl-istadju tan-nofs kemm fl-istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll fil-qafas strateġiku ET 2020, u erba' snin wara li l-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola (11), wasal iż-żmien li jittieħed kont tal-progress li sar s'issa, bil-ħsieb li jiġu rieżaminati, konsolidati u mtejba miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu dan il-fenomenu u li jippromwovu s-suċċess fl-iskola għal kulħadd.

Mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fl-2011 s'issa, bosta sejbiet ta' qabel dwar it-tluq bikri mill-iskola (ESL) ġew irfinati u ssupplimentati permezz ta' tagħlim bejn il-pari u skambji ta' prassi tajba bejn l-Istati Membri, permezz ta' aktar riċerka u permezz ta' analiżi dettaljata tal-linji politiċi adottati fil-livell nazzjonali. Il-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 dwar l-ESL żammet din il-kwistjoni fil-quċċata tal-aġendi tal-politika nazzjonali u kkontribwixxiet għall-promozzjoni ta' riformi edukattivi.

Għalkemm sar progress solidu fit-tnaqqis tar-rati tal-ESL f'dawn l-aħħar snin, għad hemm wisq studenti li jitilqu l-edukazzjoni qabel iż-żmien (12). Għad hemm diskrepanzi kbar bejn u fi ħdan l-Istati Membri, u l-istrateġiji komprensivi promossi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011 għadhom nieqsa f'ħafna pajjiżi.

Għal din ir-raġuni, l-UE u l-Istati Membri jirrikonoxxu l-ħtieġa li jsegwu b'mod attiv l-isforzi biex tintlaħaq — u, fejn possibbli, anke tinqabeż — il-mira ta' Ewropa 2020.

JENFASIZZA LI

1.

It-tluq bikri mill-iskola għandu t-tendenza li jirriżulta minn firxa ta' fatturi personali, soċjali, ekonomiċi, kulturali, edukattivi, relatati mal-ġeneru u fatturi relatati mal-familja li huma ta' spiss interkonnessi, u huwa marbut ma' sitwazzjonijiet ta' żvantaġġ kumulattiv li l-oriġini tagħhom tinsab ħafna drabi fit-tfulija bikrija. Gruppi bi status soċjoekonomiku baxx huma milquta iktaru r-rati ta' tluq bikri mill-iskola huma b'mod partikolari allarmanti għal ċerti gruppi, bħal tfal bi sfond ta' migrazzjoni (inklużi migranti li għadhom kif waslu u tfal imwielda barra mill-pajjiż), tfal tar-Roma u tfal bi bżonnijiet edukattivi speċjali.

2.

It-tfassilu l-kwalità tas-sistemi tal-edukazzjoni għandhom ukoll impatt qawwi fuq il-parteċipazzjoni u l-prestazzjoni ta' min qed jitgħallem, u ċerti fatturi sistemiċi jistgħu jinfluwenzaw b'mod negattiv il-progress fit-tagħlim. Barra minn hekk, fatturi bħal klima mhux favorevoli fl-iskejjel, il-vjolenza u l-bullying, ambjent ta' tagħlim fejn min qed jitgħallem ma jħossux irrispettat jew stmat, metodi ta' tagħlim u kurrikuli li mhux dejjem ikunu l-iktar xierqa, appoġġ insuffiċjenti għal min qed jitgħallem, nuqqas ta' edukazzjoni u gwida dwar il-karriera jew relazzjonijiet ħżiena bejn l-għalliema u l-studenti jistgħu jwasslu lil min qed jitgħallem biex jitlaq l-edukazzjoni qabel iż-żmien.

3.

Fis-soċjetajiet dejjem aktar diversi tagħna, hemm ħtieġa urġenti għal risposti inklużivi u koordinati kemm minn partijiet ikkonċernati edukattivi kif ukoll dawk mhux edukattivi li huma mmirati lejn il-promozzjoni ta' valuri komuni bħalma huma t-tolleranza, ir-rispett reċiproku, l-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni, kif ukoll it-trawwim tal-integrazzjoni soċjali, il-fehim interkulturali u sens ta' appartenenza.

4.

Li wieħed jiżgura li kull persuna żagħżugħa jkollha aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità u inklużiva (13) u l-opportunità li tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tagħha, irrispettivament minn fatturi individwali, relatati mal-familja jew relatati mal-ġeneru, l-istatus soċjoekonomiku u l-esperjenzi tal-ħajja, huwa essenzjali biex tiġi evitata l-marġinalizzazzjoni u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll biex jitnaqqas ir-riskju tal-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni.

5.

It-tlestija tal-edukazzjoni sekondarja għolja jew l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandha t-tendenza li tiġi meqjusa bħala l-kwalifika minima ta' dħul għal transizzjoni b'suċċess mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol, kif ukoll għad-dħul għall-istadji li jmiss ta' edukazzjoni u taħriġ. Billi dawk li jitilqu l-edukazzjoni u t-taħriġ qabel iż-żmien jiffaċċjaw riskju ogħla ta' qgħad, faqar u esklużjoni soċjali, l-investiment li jappoġġa l-kisba edukattiva taż-żgħażagħ jista' jgħin biex jinkiser iċ-ċiklu ta' privazzjoni u t-trasmissjoni interġenerazzjonali tal-faqar u l-inugwaljanza.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, BIL-KONSIDERAZZJONI DOVUTA GĦALL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ U F'KONFORMITÀ MA' ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI, BIEX

1.

Ikomplu jwettqu b'mod attiv l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola, b'mod partikolari billi:

(a)

jitkompla l-proċess tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji komprensivi — jew linji politiki integrati ekwivalenti magħmulin minn miżuri ta' prevenzjoni, intervent u kumpens msejsa fuq l-evidenza — li huma integrati b'mod koerenti f'edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja, u li jibbenefikaw minn impenn politiku sostnut b'enfasi kbira fuq il-prevenzjoni;

(b)

jiżguraw il-parteċipazzjoni b'impenn tal-partijiet ikkonċernati mill-oqsma kollha rilevanti (b'mod partikolari dawk tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjieg, l-affarijiet ekonomiċi, l-affarijiet soċjali, is-saħħa, id-djar, iż-żgħażagħ, il-kultura u l-isport) u l-kooperazzjoni fit-tul bejniethom fi u tul il-livelli kollha, imsejsa fuq rwoli u responsabbiltajiet identifikati b'mod ċar u li jinvolvu koordinazzjoni mill-qrib.

2.

Flimkien mal-indikatur tal-UE ta' tluq bikri mill-iskola, jesploraw opportunitajiet għall-iżvilupp jew it-tisħiħ ta' sistemi nazzjonali ta' ġbir ta' data li b'mod regolari jiġbru firxa wiesgħa ta' tagħrif (14) dwar dawk li qed jitgħallmu, speċjalment dawk fir-riskju u dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien. Sistemi bħal dawn, li jkopru l-livelli u t-tipi kollha ta' edukazzjoni u taħriġ u f'konformità sħiħa mal-leġislazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data, jistgħu:

(a)

jippermettu l-monitoraġġ regolari tal-progress fl-edukazzjoni bil-ħsieb li jinkixfu u jiġu identifikati kmieni dawk li qed jitgħallmu li qegħdin fir-riskju li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien;

(b)

jgħinu fid-definizzjoni tal-kriterji u l-indikaturi għall-identifikazzjoni tal-iżvantaġġ edukattiv;

(c)

jgħinu biex jinftiehmu r-raġunijiet għat-tluq bikri mill-iskola, inkluż billi jinġabru l-fehmiet ta' dawk li qed jitgħallmu;

(d)

jiffaċilitaw l-aċċessibbiltà ta' data u tagħrif f'livelli differenti ta' politika u l-użu tagħhom fit-tmexxija u l-monitoraġġ tal-iżvilupp tal-politika;

(e)

jipprovdu l-bażi għall-iżvilupp ta' gwida u appoġġ effettivi fl-iskejjel bil-ħsieb li t-tluq bikri mill-iskola jiġi mxekkel, kif ukoll miżuri ta' segwitu għal żgħażagħ li abbandunaw l-edukazzjoni u t-taħriġ qabel iż-żmien.

3.

Fejn rilevanti, jikkunsidraw li jistabbilixxu miri nazzjonali aktar ambizzjużi għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola, b'mod partikolari jekk dawk eżistenti diġà ġew milħuqa.

4.

Jidentifikaw dawk l-iskejjel jew l-ambjenti lokali li jippreżentaw riskju għoli ta' tluq bikri mill-iskola u livelli għoljin ta' żvantaġġ edukattiv u li jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ jew riżorsi addizzjonali.

5.

Ikomplu jwettqu — kif xieraq — ir-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni, billi jħarsu lejn l-ispettru kollu tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-tagħlim mhux formali u jirrikonoxxu r-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, bil-ħsieb li tiġi msaħħa l-kontinwità strutturali, pedagoġika, kurrikulari u professjonali, jiġu ffaċilitati t-transizzjonijiet, jiġu indirizzati s-segregazzjoni u l-inugwaljanzi fis-sistemi edukattivi u jiġu promossi miżuri li jappoġġaw il-progress u l-kisba edukattiva ta' dawk li qed jitgħallmu u li jimmotivawhom biex jikkompletaw l-edukazzjoni tagħhom.

6.

Jiżguraw aċċess ekwu u ġeneralizzat għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli,u ta' kwalità għolja. Il-ħiliet konjittivi u dawk mhux konjittivi żviluppati waqt l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal jistgħu jgħinu lit-tfal jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom u jipprovdulhom l-pedamenti għall-ħajja u s-suċċess fl-iskola. L-istrutturi tal-ECEC għandhom iħeġġu wkoll it-tagħlim effettiv tal-lingwa/i ta' struzzjoni, filwaqt li jirrispettaw id-diversità kulturali u lingwistika. L-iżvilupp ta' sens ta' appartenenza u l-istabbiliment ta' relazzjonijiet siguri u ta' fiduċja minn età żgħira huma kruċjali għat-tagħlim u l-iżvilupp ulterjuri tat-tfal.

7.

Iħeġġu u jippromwovu approċċi kollaborattivi (“l-iskola kollha”) biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola fil-livell lokali, pereżempju permezz ta':

(a)

possibbiltà akbar għall-iskejjel biex jimmanuvraw fir-rigward ta' governanza, kwistjonijiet tal-kurrikulu u metodi ta' ħidma, inkluż permezz ta' aktar awtonomija akkumpanjata minn responsabbiltà effettiva;

(b)

mekkaniżmi ta' assigurazzjoni tal-kwalità u proċessi ta' ppjanar u titjib tal-iskejjel miftuħin u trasparenti adegwati, li huma stabbiliti u implimentati bl-involviment attiv tal-komunità skolastika kollha (mexxejja tal-iskejjel, għalliema u persunal mhux għalliem, dawk li qed jitgħallmu, ġenituri u familji);

(c)

sħubijiet effettivi u kooperazzjoni transettorjali bejn skejjel u partijiet ikkonċernati esterni, inkluża firxa ta' professjonisti, NGOs, kummerċi, assoċjazzjonijiet, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, awtoritajiet u servizzi lokali, u rappreżentanti oħrajn mill-komunità kollha f'konformità mal-kuntesti lokali;

(d)

kooperazzjoni bejn skejjel ta' tipi u livelli differenti li jinsabu fl-istess żona, kif ukoll komunitajiet ta' netwerking u ta' tagħlim multiprofessjonali fuq livelli reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, sabiex jiġi promoss l-iskambju ta' prassi tajba;

(e)

eċċellenza fil-governanza u t-tmexxija tal-iskejjel, pereżempju billi jittejbu l-proċeduri ta' reklutaġġ u l-opportunitajiet ta' żvilupp professjonali kontinwi għall-mexxejja tal-iskejjel;

(f)

kultura ta' appoġġ u kollaborazzjoni bejn studenti, ġenituri, familji u persunal tal-iskejjel, bil-ħsieb li tissaħħaħ l-identifikazzjoni taż-żgħażagħ mas-sistema tal-iskola, tiżdied il-motivazzjoni tagħhom biex jitgħallmu u jitħeġġeġ l-involviment tagħhom fi proċessi kooperattivi ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

(g)

appoġġ għall-iskejjel fil-komunikazzjoni mal-ġenituri u l-familji kollha lil hinn mir-rekwiżiti formali għall-parteċipazzjoni, u fil-bini ta' kultura ta' fiduċja u rispett reċiproċi fejn il-ġenituri u l-familja jħossuhom milqugħa fl-iskola u jħossuhom involuti fit-tagħlim ta' wliedhom;

(h)

mekkaniżmi biex jiġu identifikati sinjali bikrija ta' diżimpenn, bħal assenzi regolari jew kwistjonijiet ta' imġiba;

(i)

oqfsa ta' appoġġ sistematiku għal dawk li qed jitgħallmu li qegħdin fir-riskju li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, inkluż gwida esperta, konsulenza u appoġġ psikoloġiku, kif ukoll il-possibbiltà ta' appoġġ addizzjonali għal dawk li qed jitgħallmu li l-lingwa/i materna/i tagħhom mhijiex/mhumiex il-lingwa/i tat-tagħlim;

(j)

il-provvista ta' firxa wiesgħa ta' attivitajiet aċċessibbli li jmorru lil hinn mill-kurrikulu u li jsiru barra mill-iskola — pereżempju, fl-isport, l-arti, il-volontarjat jew il-ħidma fost iż-żgħażagħ -li jistgħu jikkomplementaw l-esperjenza tat-tagħlim, kif ukoll iżidu l-parteċipazzjoni, il-motivazzjoni u s-sens ta' appartenenza tal-istudenti.

8.

Filwaqt li jrawmu aspettattivi għoljin fl-istudenti kollha u jippromwovu l-aċċess għall-ħiliet u l-għarfien bażiċi li jippreparawhom bl-aħjar mod għall-futur, jesploraw il-potenzjal ta' forom ta' tagħlim u ta' kif wieħed jitgħallem aktar ippersonalizzati u ċċentrati fuq min qed jitgħallem, inkluż permezz ta' riżorsi diġitali, kif ukoll l-użu ta' metodi differenti ta' valutazzjoni bħalma hija l-valutazzjoni formattiva (15).

9.

Jiżguraw, b'konsiderazzjoni dovuta għall-awtonomija istituzzjonali, li l-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu jipprovdi lill-għalliema, lil min iħarreġ, lill-mexxejja tal-iskejjel, lill-professjonisti tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u lil persunal ieħor bil-ħiliet, il-kompetenzi u t-tagħrif bażiku meħtieġa biex jifhmu u jindirizzaw l-iżvantaġġi edukattivi u l-fatturi possibbli ta' riskju li jistgħu jwasslu għal diżimpenn jew tluq bikri mill-iskola. Tali ħiliet, kompetenzi u għarfien jistgħu jkopru kwistjonijiet bħalma huma strateġiji ta' ġestjoni tal-klassijiet u tad-diversità, bini ta' relazzjonijiet, riżoluzzjoni ta' konflitti, tekniki tal-prevenzjoni tal-bullying, u edukazzjoni u gwida professjonali.

10.

Jiżguraw li dawk kollha li qed jitgħallmu jkollhom aċċess għal edukazzjoni u gwida professjonali, toroq edukattivi aktar flessibbli u edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta' kwalità għolja u ta' valur ugwali għall-edukazzjoni ġenerali.

11.

Jipprovdu aċċess għal skemi ta' kwalità għolja tat-“tieni ċans” u opportunitajiet oħrajn biex ż-żgħażagħ kollha li telqu l-edukazzjoni qabel iż-żmien jerġgħu jidħlu fis-sistema edukattiva ġenerali, u jiżguraw li kwalunkwe għarfien, ħila u kompetenza miksuba permezz ta' dawn il-mezzi, inkluż permezz ta' tagħlim mhux formali u informali, jiġu vvalidati f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 (16).

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX

1.

Jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet disponibbli taħt il-qafas strateġiku ET 2020 u permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, inkluża l-possibbiltà ta' tisħiħ tal-iżvilupp ta' tagħlim bejn il-pari u, fejn meħtieġ, mill-ikkuntrattar ta' riċerka u studji, sabiex isaħħu t-tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza u biex jiżviluppaw u jxerrdu eżempji ta' prattika ta' politika ta' suċċess.

2.

Jużaw l-opportunitajiet ta' finanzjament offruti permezz ta' strumenti tal-UE bħall-Programm Erasmus+, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (17) biex jappoġġaw miżuri biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola bħala parti minn linji politiċi komprensivi u biex jippromwovu l-kooperazzjoni fl-iskejjel u madwarhom.

3.

Ikomplu jidentifikaw, permezz tar-riċerka u t-tagħlim bejn il-pari, eżempji tal-prassi kollaborattivi l-aktar effettivi fl-iskola u fil-livell lokali mmirati biex jittaffa l-iżvantaġġ edukattiv, jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u tiġi żgurata edukazzjoni aktar inklużiva. Jiġi żgurat it-tixrid wiesa' ta' dawn il-prassi fost il-prattikanti u l-partijiet ikkonċernati fl-iskejjel, b'mod partikolari permezz tal-komunità tal-Ġemellaġġ elettroniku u l-Portal tal-Edukazzjoni Skolastika (School Education Gateway).

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI BIEX

1.

Tkompli ssegwi u xxerred tagħrif dwar żviluppi fl-Istati Membri, u tirrapporta b'mod perjodiku dwar il-progress lejn il-mira tal-Ewropa 2020 u dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji jew il-politiki integrati ekwivalenti tal-Istati Membri dwar it-tluq bikri mill-iskola fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-arranġamenti ta' rapportar ET 2020, inkluż permezz tal-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.

2.

Tiżviluppa aktar kooperazzjoni mar-riċerkaturi, l-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati rilevanti, netwerks u organizzazzjonijiet, bil-għan li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-linji politiċi nazzjonali u tal-UE dwar it-tluq bikri mill-iskola.

3.

Issaħħaħ il-kooperazzjoni fuq dan is-suġġett ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bħall-OECD f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri.

4.

Tfakkar fl-importanza li tinżamm enfasi fuq l-edukazzjoni inklużiva u jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola fil-kuntest tar-rieżami ppjanat ta' nofs it-terminu tal-Erasmus+.


(1)  Is-sehem tal-popolazzjoni bejn it-18 u l-24 sena li għandhom biss edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas u li ma għadhomx involuti fl-edukazzjoni jew it-taħriġ. (Eurostat/Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol).

(2)  EUCO 13/10, ANNESS I, ir-raba' inċiż (p.12).

(3)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(4)  Ara l-paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(6)  ĠU C 135, 26.5.2010, p. 2.

(7)  ĠU C 175, 15.6.2011, p. 8.

(8)  ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1.

(9)  ĠU C 165E, 11.6.2013, p. 7.

(10)  ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

(11)  Ir-Renju Unit vvotat kontra din ir-Rakkomandazzjoni.

(12)  Skont data tal-2014, 11,1 % ta' dawk bejn it-18 u l-24 sena telqu l-edukazzjoni u t-taħriġ mingħajr ma lestew programm ta' sekondarja għolja, li jammonta għal madwar 4,4 miljun żagħżugħ (Sors: Eurostat (LFS), 2014).

(13)  Għall-finijiet ta' dawn il-Konklużjonijiet, it-terminu edukazzjoni inklużiva jirreferi għad-dritt ta' kulħadd għal edukazzjoni ta' kwalità li tissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi ta' tagħlim u li tarrikkixxi l-ħajjiet ta' dawk li qed jitgħallmu.

(14)  firxa wiesgħa ta' tagħrif tfisser b'mod partikolari li wieħed isir jaf aktar dwar:

l-età li fiha ma jitkomplewx l-edukazzjoni u t-taħriġ;

ir-relazzjoni bejn it-tluq bikri mill-iskola u l-iskartar;

id-differenzi fir-rigward tat-tluq bikri mill-iskola skont il-ġeneru, il-prestazzjoni akkademika jew il-livelli miksuba ta' edukazzjoni;

l-isfond soċjoekonomiku jew indikatur, bħal tagħrif dwar il-viċinat;

l-isfond u/jew il-lingwa materna ta' min qed jitgħallem.

(15)  Għall-finijiet ta' dawn il-Konklużjonijiet, it-terminu valutazzjoni formattiva jirreferi għal miżuri li jintużaw fl-identifikazzjoni preċiża tal-bżonnijiet ta' dawk li qed jitgħallmu u biex jingħata feedback f'ħinu u kontinwu bħala parti mill-proċess ta' tagħlim.

(16)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(17)  Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).


15.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/41


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE b'attenzjoni fuq il-kultura fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp

(2015/C 417/06)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

1.

WAQT LI JFAKKAR li l-Artikolu 167(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jappella lill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha biex irawmu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-isfera tal-kultura, u jistieden lill-Unjoni sabiex tikkunsidra l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha skont dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, b'mod partikolari sabiex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha;

2.

WAQT LI JENFASIZZA li l-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, inkluż fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, hija waħda mill-prijoritajiet tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura (1) u l-pjanijiet ta' ħidma sussegwenti tal-Kunsill għall-kultura (2); u li l-kooperazzjoni transettorjali hija importanti biex tiżdied il-koerenza bejn il-politiki differenti kif issottolinjat f'għadd ta' konklużjonijiet tal-Kunsill adottati reċentement (3);

3.

FILWAQT LI JŻOMM F'MOĦĦU li skont l-Artikolu 208 TFUE, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha titwettaq fi ħdan il-qafas tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u li l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni u dik tal-Istati Membri jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin;

4.

FILWAQT LI JFAKKAR fl-adozzjoni min-Nazzjonijiet Uniti tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (4) li tinkludi referenzi espliċiti għall-kultura f'bosta mill-miri tagħha kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar aġenda trasformattiva għal wara l-2015 (5), li jirrikonoxxu li l-kultura, inklużi l-wirt kulturali dinji u l-industriji kreattivi, jista' jkollha rwol importanti fil-kisba tal-iżvilupp inklużiv u sostenibbli;

5.

WAQT LI JENFASIZZA li l-UE hija ggwidata mill-universalità, l-indiviżibbiltà, l-interkonnessjoni u l-interdipendenza tad-drittijiet kollha tal-bniedem, sew ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali; (6)

6.

WAQT LI JFAKKAR li l-UE u l-Istati Membri tagħha aderixxew, u għalhekk impenjaw ruħhom li jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005 dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali li tenfasizza fost l-oħrajn il-ħtieġa li l-kultura tiġi inkorporata bħala element strateġiku fil-politiki tal-iżvilupp u li d-diversità kulturali tista' tiġi protetta u promossa biss jekk id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jkunu garantiti;

HUWA KONVINT li l-kultura teħtieġ tifforma parti minn approċċ strateġiku u trasversali għar-relazzjonijiet esterni u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni minħabba l-kapaċità sostanzjali tagħha li ssaħħaħ dawn il-politiki billi tikkontribwixxi għall-bini ta' relazzjonijiet fit-tul ibbażati fuq skambji bejn in-nies, fehim reċiproku, fiduċja u kredibilità;

B'KUNSIDERAZZJONI XIERQA lejn l-isferi rispettivi ta' kompetenza tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, kif ukoll il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

JISSOTTOLINJA DAN LI ĠEJ:

Rigward il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-EU

7.

Biex jintlaħaq il-potenzjal tal-kultura li tkun parti importanti mir-relazzjonijiet esterni, huwa meħtieġ li mmorru lil hinn milli nuru d-diversità tal-kulturi Ewropew, u nimmiraw li noħolqu spirtu ġdid ta' djalogu, smiegħ u tagħlim reċiproċi, tisħiħ konġunt tal-kapaċitajiet u solidarjetà globali (7), kif inhu rrakkomandat mill-Azzjoni Preparatorja dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE (8) u fir-rapport dwar il-kultura u r-relazzjonijiet esterni maċ-Ċina (9).

8.

Madankollu, tinħtieġ koordinazzjoni aħjar tal-isforzi lejn approċċ strateġiku Ewropew li timmira lejn l-integrazzjoni konsistenti u koerenti tal-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u li tikkontribwixxi għall-komplementarjetà tal-attivitajiet tal-Unjoni ma' dawk tal-Istati Membri tagħha. Tali approċċ jinkludi, fost l-oħrajn, prijoritajiet tematiċi u ġeografiċi, objettivi u riżultati realistiċi, gruppi fil-mira, interessi u inizjattivi komuni, dispożizzjonijiet ta' finanzjament, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u modalitajiet ta' implimentazzjoni.

9.

Approċċ strateġiku fil-livell tal-UE jippermetti wkoll li jiġu indirizzati b'mod aktar effiċjenti l-isfidi attwali, bħalma huma l-kriżi migratorja, ir-radikalizzazzjoni u l-ksenofobija, il-qerda u t-theddida għall-wirt kulturali u t-traffikar illeċitu f'oġġetti kulturali.

Rigward il-kultura fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp

10.

Il-promozzjoni tal-koerenza fil-politika hija partikolarment kruċjali għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, minħabba r-rwol importanti li għandhom l-Istati Membri u l-UE f'dan il-qasam u fir-rigward ukoll tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

11.

Il-kultura hija komponent essenzjali fid-dimensjoni tal-iżvilupp uman, soċjali, ekonomiku u ambjentali u għalhekk hija element ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli, minħabba li:

setturi dinamiċi kulturali u kreattivi, inkluż il-wirt kulturali, f'pajjiżi sħab jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar, peress li huma katalizzaturi importanti għat-tkabbir, l-impjiegi, il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp lokali,

il-kultura kif ukoll il-promozzjoni u r-rispett tad-diversità kulturali għandhom rwol importanti fil-prevenzjoni ta' konflitti, il-bini tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni f'żoni ta' konflitt u wara konflitt,

id-djalogu interkulturali jrawwem fehim aħjar u jiffaċilita sħubijiet aktar profondi fost il-partijiet ikkonċernati,

settur kulturali u tal-mezzi tal-informazzjoni indipendenti huwa kondizzjoni fundamentali għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, id-diversità kulturali, iċ-ċittadinanza demokratika attiva u l-iżvilupp demokratiku sostenibbli,

l-adozzjoni ta' strateġiji speċifiċi kulturali u ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp twassal għal azzjonijiet aktar effettivi u sostenibbli f'għadd kbir ta' setturi.

12.

Madanakollu, sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ tal-potenzjal qawwi tal-kultura għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, għandu jiġi żviluppat approċċ aktar integrat li jinkludi l-integrazzjoni tad-dimensjoni kulturali fil-programmi ta' żvilupp u appoġġ xieraq għall-operaturi kulturali fuq bażi ta' medda ta' żmien itwal aktar milli interventi ta' darba.

13.

Tali approċċ jista' jiġi bbażat, fost l-oħrajn, fuq l-elementi li ġejjin:

ir-rikonoxximent tal-valur tal-kultura fiha nnifisha u bħala mezz għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp,

id-definizzjoni, abbażi ta' fehim komuni ta' koerenza u konsistenza, ta' modi prattiċi biex tiġi integrata d-dimensjoni kulturali fit-tħejjija ta' programmi ta' żvilupp settorjali,

l-appoġġ għal żvilupp strutturat u fit-tul tas-setturi kulturali u kreattivi f'pajjiżi sħab, b'mod partikolari f'termini ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet, governanza kulturali u sistemi ta' proprjetà intellettwali,

it-tisħiħ tal-isforzi biex ikun protett u salvagwardjat il-wirt kulturali u naturali tanġibbli u intanġibbli tad-dinja,

il-promozzjoni tar-rwol tal-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

l-istabbiliment ta' għadd realistiku ta' linji prijoritarji li jistgħu jiġu riveduti regolarment biex ikun hemm fehim ċar tar-riżultati tal-proġetti u l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar kif ukoll għall-koeżjoni soċjali, it-tkabbir u l-impjiegi,

il-komplementarjetà bejn programmi eżistenti u skemi u strumenti ta' finanzjament tal-Unjoni, l-Istati Membri u atturi oħrajn u, meta xieraq, iż-żieda ta' opportunitajiet biex jiġu appoġġati inizjattivi kulturali fihom,

approċċ minn isfel għal fuq li jrawwem is-sjieda nazzjonali u lokali, jinvolvi pajjiżi sħab u jinvolvi l-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari l-NGOs, is-soċjetà ċivili u s-settur privat.

14.

Reazzjoni immedjata tkun partikolarment importanti fid-dawl tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ fil-futur tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030 (10) sabiex jiġi żgurat li l-kultura titqies biżżejjed u tkun tista' twettaq ir-rwol tagħha f'dak ir-rigward.

GĦALHEKK JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

15.

Jieħdu sehem fi grupp ta' ħidma ad hoc li ser jiġi ospitat mil-Lussemburgu. Dan il-grupp għandu jikkontribwixxi għat-tħejjija ta' approċċ konkret, ibbażat fuq l-evidenza, li jkun kondiviż u fit-tul dwar il-kultura u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

Sabiex jiffaċilita l-koerenza ta' azzjonijiet bejn l-atturi rilevanti fuq il-post, il-grupp għandu jiġbor u jiskambja l-aħjar prattiki dwar il-kultura u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u jeżamina l-evidenza empirika dwar l-impatt tal-kultura fuq l-iżvilupp.

Il-grupp ser jiltaqa' għall-ewwel perijodu 2016 — 2017, ser ikun ta' natura informali u b'parteċipazzjoni volontarja. Huwa ser ikun miftuħ għal atturi kemm mis-settur tal-kultura kif ukoll mis-settur tal-iżvilupp, b'mod partikolari l-Istati Membri (b'mod partikolari dawk fil-kariga attwali jew futura tal-Presidenzi tal-Kunsill), il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti li joperaw fl-oqsma tal-iżvilupp u l-kultura, il-pajjiżi sħab, is-sħab esterni b'mod partikolari l-Istituti Nazzjonali tal-UE għall-Kultura (EUNIC), kif ukoll is-soċjetà ċivili u l-pjattaformi tal-NGOs.

Ir-riżultati tal-ħidma ta' dan il-grupp għandhom jiġu ppreżentati lill-korpi preparatorji kkonċernati tal-Kunsill, b'mod partikolari fil-qasam tal-kultura u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

U JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

16.

issaħħaħ il-kultura bħala dimensjoni speċifika ta' intervent fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp,

17.

tiżviluppa u tippreżenta lill-Kunsill, b'mod konġunt mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, approċċ aktar strateġiku għall-kultura fir-relazzjonijiet esterni bbażat fuq il-prinċipji deskritti hawn fuq u li għandu jappoġġa fost l-oħrajn il-libertà artistika, il-libertà ta' espressjoni kulturali u r-rispett għad-diversità u l-wirt kulturali.


(1)  Approvata mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura (ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1)

(2)  L-aktar wieħed reċenti huwa l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015-2018) (ĠU C 463, 23.12.2014, p. 4).

(3)  L-aktar reċenti huma l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2012 dwar il-governanza kulturali (ĠU C 393, 19.12.2012, p. 8).

(4)  Is-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (New York, 25-27 ta' Settembru 2015) adotta l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (“Nittrasformaw id-dinja tagħna” (traduzzjoni mhux uffiċjali)), inkluż sett wieħed ta' Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) globali li ser jieħu post l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs), https://sustainabledevelopment.un.org/post2015/transformingourworld

(5)  16716/14.

(6)  Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline (dok. 9647/14).

(7)  Anki f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE.

(8)  Mibdija mill-Parlament Ewropew fl-2012, l-Azzjoni Preparatorja dwar “il-Kultura fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE” twettqet fl-2012-2013 bil-għan li tappoġġa ir-riflessjoni u l-iżvilupp attwali ta' politika dwar it-tisħiħ tar-rwol tal-kultura fir-relazzjonijiet esterni u biex titrawwem aktar ħidma f'dan il-qasam. Ir-rapport finali ġie ppubblikat fl-2014, http://cultureinexternalrelations.eu/main-outcomes/

(9)  Strateġija għar-relazzjonijiet kulturali bejn l-UE u ċ-Ċina: rapport tal-grupp ta' esperti dwar il-kultura u r-relazzjonijiet esterni — iċ-Ċina (Novembru 2012).

(10)  B'mod partikulari l-għanijiet numri 4 (mira 4.7), 8 (mira 8.9), 11 (mira 11.4) u 12 (mira 12.b).


15.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/44


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, li jemendaw il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015-2018) fir-rigward tal-prijorità dwar id-djalogu interkulturali

(2015/C 417/07)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

FILWAQT LI JFAKKRU fil-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015–2018) (1),

FID-DAWL TAL-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2015 (2), li jiddikjaraw li l-indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati huwa obbligu komuni li jeħtieġ strateġija komprensiva u sforz determinat matul iż-żmien fi spirtu ta' solidarjetà u responsabbiltà,

FILWAQT LI JISSOTTOLINJAW li wara li l-ħtiġijiet immedjati tal-migranti u r-refuġjati jiġu pprovduti, jeħtieġ li l-enfasi ddur fuq l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tagħhom,

FILWAQT LI JENFASIZZAW li l-kultura u l-arti għandhom ir-rwol tagħhom x'jaqdu fil-proċess tal-integrazzjoni tar-refuġjati li ser jingħataw status ta' asil għaliex jistgħu jgħinuhom biex jifhmu aħjar l-ambjent il-ġdid tagħhom u l-interazzjoni tiegħu mal-isfond soċjokulturali tagħhom stess, u b'hekk jikkontribwixxu għall-bini ta' soċjetà aktar koeżiva u miftuħa,

FILWAQT LI JFAKKRU li d-djalogu interkulturali jista' jikkontribwixxi għat-tqarrib tal-individwi u tal-popli, għall-prevenzjoni tal-konflitti u għall-proċessi ta' rikonċiljazzjoni (3), u li dan kien punt fokali tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-kultura sa mill-2002 u bħalissa huwa qasam ta' prijorità tal-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015–2018),

JAQBLU, fil-kuntest tal-kriżi migratorja u tar-refuġjati u bil-ħsieb li titrawwem soċjetà inklużiva bbażata fuq id-diversità kulturali, li jiġi emendat il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015–2018) billi l-qasam ta' prijorità D3a) dwar id-djalogu interkulturali jiġi aġġustat kif ġej:

Qasam ta' prijorità D: Promozzjoni tad-diversità kulturali, il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u l-mobilità

Aġenda Ewropea għall-kultura: Diversità kulturali u djalogu interkulturali (3.1), Kultura bħala element essenzjali fir-relazzjonijiet internazzjonali (3.3)

Strateġija Ewropa 2020: Tkabbir sostenibbli u inklużiv (prijoritajiet 2, 3), Mobilizzazzjoni ta' strumenti ta' politika esterna tal-UE.


Azzjonijiet minn

Suġġetti

Strumenti u metodi ta' ħidma (inkluż jekk transettorjali)

Riżultati mixtieqa u kalendarju indikattiv

Kummissjoni/L-Istati Membri

a.   Djalogu interkulturali

Fil-kuntest tal-kriżi migratorja u tar-refuġjati, jesploraw il-modi kif il-kultura u l-arti jistgħu jgħinu biex individwi u popli jitressqu flimkien, iżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja kulturali u soċjetali kif ukoll jippromwovu d-djalogu interkulturali u d-diversità kulturali.

Ser jiġu stabbiliti rabtiet ma' netwerks u bażijiet tad-data ta' integrazzjoni oħra fil-livell tal-UE (4).

MMK

L-esperti ser jieħdu kont tal-linji politiċi u l-prassi tajba eżistenti dwar id-djalogu interkulturali (5) b'attenzjoni speċjali fuq l-integrazzjoni ta' migranti u refuġjati f'soċjetajiet permezz tal-arti u l-kultura.

2016

Manwal ta' prassi tajba.


(1)  ĠU C 463, 23.12.2014, p. 4.

(2)  EUCO 26/15

(3)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha (ĠU C 320, 16.12.2008, p. 10).

(4)  Bħas-Sit Web Ewropew dwar l-Integrazzjoni: https://ec.europa.eu/migrant-integration/pratiques-dintegration

(5)  Antoloġija tal-linji politiċi u prassi eżistenti għall-promozzjoni tad-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali tinsab fir-rapport tal-2014 tal-MMK dwar ir-rwol tal-arti pubblika u l-istituzzjonijiet kulturali fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali: http://ec.europa.eu/culture/library/reports/201405-omc-diversity-dialogue_en.pdf


15.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/45


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, li janalizzaw ir-Riżoluzzjoni tal-2011 dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha qabel il-laqgħat tal-WADA

(2015/C 417/08)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI

FILWAQT LI JFAKKRU

Fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha qabel il-laqgħat tal-WADA u b'mod partikolari fil-fatt li sal-31 ta' Diċembru 2015, l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni għandha tiġi analizzata (1).

FILWAQT LI JINNOTAW

Id-diskussjonijiet li saru waqt il-Laqgħa Informali tal-Ministri għall-Isport li saret fil-Lussemburgu fis-6-7 ta' Lulju 2015, fejn sar skambju ta' fehmiet dwar l-applikazzjoni tar-riżoluzzjoni.

JAQBLU LI

Is-sistema ta' rappreżentazzjoni u l-arranġamenti ta' koordinazzjoni kif stipulati fir-Riżoluzzjoni tal-2011 għandhom jibqgħu fis-seħħ.

JIRRIKONOXXU LI L-ELEMENTI LI ĠEJJIN GĦANDHOM JISSAĦĦU:

involviment aktar regolari min-naħa tal-Presidenza tal-Kunsill fil-Kunsill tal-Ewropa (inkluż il-CAHAMA) u fil-laqgħat tal-WADA;

kontributi aktar sistematiċi mill-Kummissjoni fit-tħejjija tal-abbozz ta' mandat tal-UE dwar il-kwistjonijiet ta' kompetenza tal-UE;

li tiżdied il-kompetenza esperta xjentifika fost l-Istati Membri u l-Presidenza tal-Kunsill, pereżempju bl-użu tan-netwerk informali eżistenti ta' esperti;

li jsir titjib fil-laqgħat ta' koordinazzjoni ad hoc u fil-post kif ukoll fit-tħejjijiet għal-“laqgħat tal-awtoritajiet pubbliċi”.

JAQBLU LI

Sal-31 ta' Diċembru 2018, il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, għandhom jerġgħu janalizzaw għal darb'oħra l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ulterjuri tar-Riżoluzzjoni tal-2011 u jqisu jekk ikunux meħtieġa aġġustamenti għall-arranġamenti stabbiliti minn din ir-Riżoluzzjoni.


(1)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 7.


15.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/46


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-ħiliet motorji, l-attivitajiet fiżiċi u sportivi għat-tfal (1)

(2015/C 417/09)

IL-KUNSILL TAL-UE U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI

I.

FILWAQT LI JFAKKRU FL-ISFOND POLITIKU KIF DESKRITT FL-ANNESS KIF UKOLL F'DAN LI ĠEJ

1.

Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2012 dwar “il-promozzjoni tal-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa. (HEPA)” (2) li jissottolinjaw li “permezz tal-benefiċċji tagħha fir-rigward tal-prevenzjoni, it-trattament u r-riabilitazzjoni, l-attività fiżika għandha benefiċċji għal kull età”.

2.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2013 dwar il-promozzjoni transettorjali ta' attività fiżika favur is-saħħa (3), li stiednet lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki transettorjali u strateġiji integrati li jinvolvu l-isport, l-edukazzjoni, is-saħħa, it-trasport, l-ambjent, l-ippjanar urban u setturi rilevanti oħra u ssottolinjat li “L-edukazzjoni fiżika fl-iskola għandha potenzjal li tkun għodda effettiva biex iżżid is-sensibilizzazzjoni tal-importanza tal-HEPA, u l-iskejjel jistgħu jkunu mira faċli u effettiva biex jiġu implimentati attivitajiet f'dan ir-rigward”.

3.

It-tieni Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014–2017) (4), adottat fil-21 ta' Mejju 2014, li identifika l-prassi ta' attività fiżika favur is-saħħa kif ukoll għall-edukazzjoni u t-taħriġ fl-isport bħala temi prijoritarji tal-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tal-isport u li stabbilixxa l-grupp ta' esperti dwar il-HEPA biex tiġi inkoraġġuta l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel, inklużi ħiliet motorji fit-tfulija bikrija, u biex jinħolqu interazzjonijiet ta' valur mas-settur tal-isport, l-awtoritajiet lokali u s-settur privat.

II.

JIRRIKONOXXU LI

4.

L-importanza tal-logħob u r-rikreazzjoni fil-ħajja tat-tfal kollha ilha żmien twil rikonoxxuta mill-komunità internazzjonali. Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) tal-1989 tiddikjara b'mod espliċitu fl-Artikolu 31 li l-Istati Parti jirrikonoxxu d-dritt tat-tfal għall-mistrieħ u l-ħin liberu, li jieħdu sehem fil-logħob u attivitajiet rikreattivi adatti għall-età tat-tfal u li jipparteċipaw b'mod liberu fil-ħajja kulturali u fl-arti. [traduzzjoni mhux uffiċjali] L-attivitajiet kollha għat-tfal, inklużi l-attivitajiet sportivi u l-edukazzjoni fiżika, għandhom dejjem isiru f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

5.

Il-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika (5) indikaw li d-drawwiet ta' kuljum tat-tfal żgħar inbidlu fis-snin reċenti minħabba xejriet ġodda tal-ħin liberu (it-televiżjoni, l-Internet, logħob vidjo, smartphones, eċċ.) u li dan wassal biex tonqos l-attività fiżika tagħhom. Barra minn hekk, restrizzjonijiet ta' ħin, soċjali u baġitarji, bidliet fl-istil ta' ħajja jew nuqqas ta' faċilitajiet sportivi adatti fil-viċinanzi jistgħu wkoll jispjegaw din it-tendenza. Il-Linji Gwida tal-UE enfasizzaw li kien hemm tħassib konsiderevoli dwar jekk l-attività fiżika fost it-tfal u ż-żgħażagħ ġietx sostitwita b'attivitajiet aktar sedentarji.

6.

Minkejja t-tendenza ġenerali li l-tfal ikunu fiżikament attivi, l-attività fiżika tagħhom naqset matul l-aħħar għoxrin sena. Din il-bidla tikkoinċidi mar-rati li qed jiżdiedu ta' piż żejjed u obeżità fit-tfulija u problemi tas-saħħa jew diżabbiltajiet fiżiċi bħal mard muskoloskeletali. Skont estimi mill-Inizjattiva ta' Sorveljanza tal-Obeżità fit-Tfal (COSI) tad-WHO, fl-UE madwar tifel/tifla 1 minn kull 3 tal-età bejn 6 u 9 snin kienu jbatu minn piż żejjed jew obeżità fl-2010 (6). Din hija żieda inkwetanti mill-2008, meta l-estimi kienu wieħed minn kull 4 (7). Fil-pajjiżi industrijalizzati, għal tfal taħt l-età ta' 5 snin il-prevalenza tal-piż żejjed u l-obeżità żdiedet minn 8 % fl-1990 għal 12 % fl-2010 u mistennija tilħaq l-14 % sal-2020 (8). In-nuqqas ta' attività fiżika għandha wkoll effetti negattivi fuq is-sistemi tas-saħħa u l-ekonomija b'mod ġenerali. Huwa stmat li kull sena madwar 7 % tal-baġits nazzjonali għas-saħħa fl-UE kollha jintefqu fuq mard marbut mal-obeżità (9).

7.

Sabiex jiġu evitati dawn il-problemi ta' saħħa u żvilupp fit-tfulija, it-tfal kollha (inklużi tfal b'diżabilità) għandhom jiġu mħeġġa jkunu fiżikament attivi. Is-snin tal-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal (ECEC) huma importanti għax il-ħiliet bażiċi jiġu żviluppati f'dak iż-żmien. Permezz tal-logħob u l-attività fiżika, it-tfal jitgħallmu u jipprattikaw ħiliet li jiġu bżonn matul ħajjithom. Dan il-proċess ta' tagħlim imsejjaħ żvilupp ta' ħiliet motorji mhux dejjem jiżviluppa b'mod naturali. Għalhekk il-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni u l-ħolqien ta' opportunitajiet għat-tfal biex ikunu fiżikament attivi huma tal-akbar importanza.

8.

Id-WHO reċentement identifikat l-attività fiżika insuffiċjenti bħala r-raba' fattur ta' riskju ewlieni għal mortalità prematura u l-mard fuq skala globali (10). Il-benefiċċji tal-attività fiżika huma magħrufa sew. L-attività fiżika hija waħda mill-aktar modi effettivi għall-prevenzjoni ta' mard li ma jitteħidx u għall-ġlieda kontra l-obeżità, u biex jinżamm stil ta' ħajja sana (11). Hemm ukoll evidenza li qiegħda tiżdied dwar il-korrelazzjoni pożittiva bejn l-eżerċizzju u l-proċessi tas-saħħa mentali u konjittivi (12).

Ir-rapporti tad-WHO (13) wrew li l-involviment f'attività sportiva jew fiżika regolari, moderata sa intensa (14) (tal-anqas 60 minuta kuljum għal tfal fl-età tal-iskola u 3 sigħat għal tfal fil-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal) joħloq predispożizzjoni fuq perijodu twil lejn l-attività fiżika li tiżdied matul l-adoloxxenza u l-età adulta (15). Studji wrew ukoll li meta t-tfal jibdew jagħmlu eżerċizzju minn età żgħira, hemm it-tendenza li jkollhom prestazzjoni akkademika aħjar, ikollhom inqas problemi ta' mġiba u dixxiplinarji, u fil-klassi jkunu kapaċi joqogħdu attenti aktar fit-tul mill-pari tagħhom (16).

9.

L-ambjent edukattiv għandu rwol partikolarment importanti f'dan il-kuntest, hekk kif it-tfal jieħdu sehem f'attività fiżika u sportiva fl-iskola. Għalhekk, l-iskejjel u l-għalliema jiffaċilitaw l-attività fiżika tat-tfal żgħar, flimkien mal-edukaturi fi strutturi tal-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-klabbs sportivi. Għat-tfal, il-ġenituri, il-familja u l-komunità usa' għandhom rwol importanti wkoll.

10.

Skont l-esperti, attività fiżika xierqa għal tfal taħt it-tnax-il sena għandha tiġi organizzata skont il-grupp ta' età (17). Attivitajiet fil-livell tal-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal u dak primarju jinkludu attivitajiet strutturati u mhumiex li jgħinu lit-tfal jiżviluppaw ħiliet bħall-ġiri, il-qbiż u t-twaddib.

11.

Xi Stati Membri diġà żviluppaw diversi strateġiji nazzjonali, f'livelli differenti, biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' ħiliet motorji fil-tfulija bikrija u attivitajiet fiżiċi u sportivi għal tfal taħt it-tnax-il sena, l-aktar f'kooperazzjoni mas-settur sportiv u l-klabbs jew federazzjonijiet sportivi (18).

12.

F'konformità mal-mandat tiegħu, il-Grupp ta' Esperti dwar il-Promozzjoni tal-Attività Fiżika li Ttejjeb is-Saħħa (HEPA XG) ppropona sett ta' rakkomandazzjonijiet f'Ġunju 2015 biex tiġi inkoraġġuta l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel, inklużi l-ħiliet motorji fit-tfulija bikrija.

III.

JAPPELLAW LILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE BIEX:

13.

Jikkunsidraw li jimplimentaw politiki transettorjali, bis-setturi tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u s-saħħa fost l-oħrajn, biex jiġu promossi attivitajiet fiżiċi u ħiliet motorji fit-tfulija bikrija b'kont meħud, b'mod partikolari, tar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin tal-HEPA XG:

Is-sensibilizzazzjoni tal-perijodu qabel jibdew l-edukazzjoni preprimarja u jattendu l-iskola bħala opportunità potenzjali għall-promozzjoni tal-attività fiżika għat-tfal, partikolarment permezz tal-iżvilupp tal-ħiliet motorji bażiċi u l-litteriżmu fiżiku.

Is-sensibilizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha fis-setturi tal-iskola u extrakurrikulari (għalliema. kowċis, ġenituri, eċċ.) dwar l-importanza tal-iżvilupp ta' attivitajiet fiżiċi u sportivi adatti għat-tfal.

Il-bini ta' relazzjonijiet bejn l-iskejjel u l-organizzazzjonijiet rilevanti (is-setturi tal-isport, l-organizzazzjonijiet soċjali u s-settur privat, kif ukoll l-awtoritajiet lokali) biex jippromwovu u jżidu d-disponibbiltà tal-attivitajiet extrakurrikulari.

L-iskejjel jitħeġġu jistabbilixxu qafas ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet sportivi u fornituri sportivi lokali (nazzjonali) oħra bil-ħsieb tal-promozzjoni tal-attivitajiet kemm kurrikulari u extrakurrikulari u l-iżgurar ta' infrastrutturi u tagħmir ta' kwalità għolja u sikuri għall-edukazzjoni fiżika u attivitajiet extrakurrikulari jew ta' wara l-ħin tal-iskola, u dwar l-implimentazzjoni ta' kampanji lokali ta' sensibilizzazzjoni.

Il-konsiderazzjoni ta' inizjattivi li jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet lokali joħolqu l-kondizzjonijiet għall-iżvilupp ta' trasport attiv lejn u mill-iskola.

14.

Iħeġġu u jappoġġaw inizjattivi għall-partijiet interessati involuti kollha (l-għalliema, il-ġenituri, l-iskejjel, klabbs, edukaturi, eċċ.) fuq livelli xierqa mmirati lejn il-promozzjoni ta' attivitajiet fiżiċi u l-ħiliet motorji xierqa.

15.

Iħeġġu l-isport u l-attività fiżika xierqa minn kmieni fit-tfulija permezz tal-ECEC u l-iskola primarja, skont il-ħtiġijiet speċifiċi u l-etajiet tat-tfal filwaqt li jiġu pprovduti struzzjonijiet ta' gwida lil għalliema/edukaturi.

16.

Iħeġġu l-użu tas-sensibilizzazzjoni u l-għoti ta' informazzjoni, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, biex jiġi stimulat l-interess fil-ħiliet motorji u l-attivitajiet tal-edukazzjoni fiżika għat-tfal:

17.

Iħeġġu lill-ġenituri, il-familja u l-komunità inġenerali, biex jieħdu sehem b'mod attiv f'attivitajiet fiżiċi mat-tfal tagħhom bl-użu ta' faċilitajiet xierqa (eż. mogħdijiet tar-roti u żoni rikreattivi sikuri).

18.

Jikkunsidraw li jappoġġaw inizjattivi biex itejbu l-infrastruttura tal-isport għat-tfal speċjalment fi ħdan l-istituzzjonijiet edukattivi, filwaqt li titrawwem il-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u l-klabbs sportivi dwar il-forniment ta' tagħmir u faċilitajiet għat-tfal fuq il-livell lokali.

19.

Jikkunsidraw li jipprovdu inċentivi lil organizzazzjonijiet u klabbs sportivi, l-iskejjel, l-istabbilimenti edukattivi, iċ-ċentri taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet oħra komunitarji jew volontarji li jippromwovu attivitajiet fiżiċi għat-tfal.

IV.

JISTIEDNU LILL-PRESIDENZA TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM BIEX:

20.

Jieħdu nota tar-rakkomandazzjonijiet ta' HEPA XG bħala bażi għal azzjoni politika ulterjuri kemm fil-livelli tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri, billi dawn jipprovdu fatti bbażati fuq l-evidenza u mogħdijiet prattiċi biex jiġu segwiti.

21.

Jintensifikaw il-kooperazzjoni bejn l-oqsma ta' politika responsabbli għall-promozzjoni tal-ħiliet motorji u l-edukazzjoni fiżika għat-tfal, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet ta' HEPA XG, b'mod partikolari s-setturi tal-isport, is-saħħa, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u t-trasport.

22.

Bil-ħsieb tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, jikkunsidraw li jagħtu attenzjoni speċjali lil inizjattivi li jappoġġaw u jippromwovu attivitajiet sportivi bbażati fl-iskola u extrakurrikulari.

23.

Jippromwovu, fejn adatt, l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' monitoraġġ, studji jew evalwazzjonijiet nazzjonali sabiex jidentifikaw il-livelli ta' attività fiżika u d-drawwiet tat-tfal.

24.

Jirriflettu dwar kif il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-ħiliet motorji fit-tfulija bikrija u strateġiji biex jiskoraġġixxu l-istili ta' ħajja sedentarji fost it-tfal jistgħu jiġu indirizzati b'mod aktar effettiv fil-kuntest ta' ħidma futura fil-livell tal-UE.

25.

Iħeġġu appoġġ finanzjarju għal inizjattivi relatati mal-ħiliet motorji u mal-edukazzjoni fiżika permezz ta' programmi eżistenti tal-UE, bħalma huma Erasmus +, u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u jilqgħu aktar informazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' programmi ta' finanzjament tal-UE għall-benefiċċju tal-isport.

V.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

26.

Tippromwovi u tappoġġa l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar il-ħiliet motorji u l-edukazzjoni fiżika għat-tfal fil-kuntest tal-UE.

27.

Ittejjeb il-bażi ta' evidenza billi tappoġġa l-ġbir ta' data kwantitattiva u kwalitattiva (19) relatata mal-attività fiżika, l-indikaturi tal-kondizzjoni fiżika u l-parteċipazzjoni fl-isport ta' tfal fi ħdan u barra l-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija jew fl-iskejjel, b'kooperazzjoni mill-qrib mad-WHO.

28.

Tiżviluppa linji gwida għall-attività fiżika għat-tfal f'ambjenti ta' kura u edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, l-iskejjel u l-klabbs sportivi, b'kollaborazzjoni ma' esperti xjentifiċi inkluża d-WHO, li jimmiraw b'mod partikolari lil dawk li jfasslu l-politika, l-awtoritajiet lokali, il-ġenituri, il-familja u l-komunità usa'.

VI.

JISTIEDNU LILL-MOVIMENT TAL-ISPORT JIKKUNSIDRA LI:

29.

Joffri firxa ta' attivitajiet sportivi mhux kompetittivi adatti għat-tfal, adattati għal-livell xieraq, bil-ħsieb li jtejbu s-saħħa u l-iżvilupp personali tagħhom.

30.

Jappoġġa l-organizzazzjoni ta' attivitajiet li jippromwovu attivitajiet sportivi ibbażati fl-iskola u extrakurrikulari kif ukoll ħiliet motorji fit-tfulija bikrija, inkluż fil-kuntest tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport.

31.

Jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' sħubijiet mill-qrib, objettivi konġunti u kampanji ta' komunikazzjoni mal-muniċipalitajiet u l-komunitajiet u s-setturi tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u s-saħħa fost l-oħrajn, dwar il-ġlieda kontra l-istili ta' ħajja sendentarji billi jippromwovu l-isport fl-iskola u barra minnha.

32.

Jimpenja ruħu aktar għall-promozzjoni tal-isport u inizjattivi ta' attività fiżika li jimmiraw lejn il-ġlieda kontra l-istili ta' ħajja sedentarji tat-tfal permezz ta' sħubijiet u kooperazzjoni mas-settur privat u dak pubbliku.


(1)  Fil-kuntest ta' dawn il-konklużjonijiet, “tfal” tirreferi għal tfal ta' bejn 0 sa12-il sena.

(2)  ĠU C 393, 19.12.2012.

(3)  ĠU C 354, 4.12.2013.

(4)  ĠU C 183, 14.6.2014.

(5)  Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika: Azzjonijiet ta' Politika Rakkomandati b'Appoġġ għal Attività Fiżika Favur is-Saħħa. (2008) ġew milqugħa fil-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa Informali tal-Ministri tal-UE għall-Isport. http://ec.europa.eu/sport/library/doc/c1/pa_guidelines_4th_consolidated_draft_en.pdf

(6)  Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfulija 2014-2020 (http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/docs/childhoodobesity_actionplan_2014_2020_en.pdf)

(7)  COM(2005)0637.

(8)  www.toybox-study.eu.

(9)  Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfulija 2014-2020.

(10)  Rakkomandazzjonijiet Globali dwar l-Attività Fiżika għas-Saħħa, WHO, 2010

(11)  Lee IM, Shiroma EJ, Lobelo F, Puska P, Blair SN, Katzmarzyk PT, Lancet Physical Activity Series Working Group. Effect of physical activity on major non-communicable disease worldwide: an analysis of burden of disease and life expectancy 2012 Jul. Lancet.

(12)  Strong, WB, RM Malina, CJR Blimkie, SR Daniels, RK Dishman, B Gutin, AC Hergenroeder, A Must, PA Nixon, JM Pivarnik, T Rowland, S Trost, F Trudeau (2005), “Evidence Based Physical Activity for School-Age Youth”, The Journal of Pediatrics, 146(6):732-737.

Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi Soċjali tal-Istati Uniti. Physical Activity Guidelines Advisory Committee Report, 2008. (http://www.health.gov/paguidelines/Report/pdf/CommitteeReport.pdf.)

Studju mwettaq fl-2011 mill-Università ta' Saint-Gallen.

(13)  Rakkomandazzjonijiet dinjija dwar l-Attività Fiżika għas-Saħħa, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, 2010 (http://apps.who.int/iris/bitstream/10665/44399/1/9789241599979_eng.pdf),

Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi Soċjali tal-Istati Uniti. Physical Activity Guidelines Advisory Committee Report, 2008. (http://www.health.gov/paguidelines/Report/pdf/CommitteeReport.pdf.)

Studju mwettaq fl-2011 mill-Università ta' Saint-Gallen.

(14)  eż. Department of Health and Aging: National Physical Activity Guidelines for Australians. Canberra: Commonwealth of Awstralja; 2014 jew UK Physical activity guidelines u National Health Service (NHS) fl-Ingilterra: Physical activity guidelines for children (under five years) (http://www.nhs.uk/Livewell/fitness/Pages/physical-activity-guidelines-for-children.aspx)

(15)  G.J. Welk, J.C. Eisenmann, et J. Dolman, “Health-related physical activity in children and adolescents: A bio-behavioural perspective”, The handbook of physical education, eds. D. Kirk, D. Macdonald and M. O'Sullivan, London: Sage Publications Ltd., 2006, p. 665-684

(16)  Physical Activity May Strengthen Children's Ability To Pay Attention http://www.sciencedaily.com/releases/2009/03/090331183800.htm and “The Association between school-based physical activity, Including Physical education and academic performance” U.S. Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi Soċjali, Lulju 2010 http://www.cdc.gov/healthyyouth/health_and_academics/pdf/pa-pe_paper.pdf

(17)  Kategoriji proposti mill-kunċett Kanadiż ta' Żvilupp tal-Atleti fuq Perijodu fit-Tul (LTAD).

(18)  Pereżempju: Franza u federazzjonijiet multisportivi ((Ufolep, Usep) jew federazzjonijiet unisportivi (ġinnastika jew għawm) b'taħriġ speċjali għal tfal ta' bejn 0-6 snin. Fin-Netherlands jiġu offruti lil trabi li telqu jimxu klassijiet speċjali fi sport bħall-ġinnastika u l-għawm. Fl-Awstrija, il-programm “Move Children Healthily/Kinder gesund bewegen” għandu l-għan li jibni kooperazzjoni bejn il-klabbs sportivi u l-kindergartens/skejjel primarji u biex jippromwovu stil ta' ħajja attiv billi joffri l-attività fiżika għal tfal bejn is-sentejn u l-għaxar snin.

(19)  Ibbażata fuq il-qafas ta' monitoraġġ definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-HEPA (26 ta' Novembru 2013).


ANNESS

Sfond Politiku

1.

Is-Sena Ewropea tal-Edukazzjoni permezz tal-Isport (EYES 2004), li enfasizzat ir-rwol tal-isport fl-edukazzjoni u ġibdet l-attenzjoni għar-rwol soċjali b'firxa wiesgħa tal-isport;

2.

Il-White Paper dwar l-Isport tal-11 ta' Lulju 2007, ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, li insistiet dwar l-importanza tal-attività fiżika u indikat li “Il-ħin mgħoddi f'attivitajiet sportivi l-iskola u l-università jipproduċu benefiċċji edukattivi u ta' saħħa li hemm bżonn li jitjiebu” (1).

3.

L-Istrateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta' saħħa marbuta man-nutriment, il-piż żejjed u l-obeżità adottata mill-Kummissjoni Ewropea fl-2007 (2) li inkoraġġiet l-attività fiżika u għamlet bħala prijorità lit-tfal u lill-gruppi soċjoekonomiċi l-aktar baxxi filwaqt li ssottolinjat li “it-tfulija hija perjodu importanti biex tnaqqax preferenza favur drawwiet sani, u sabiex wieħed jitgħallem il-ħiliet meħtieġa biex iżomm stil ta' ħajja sana. L-iskejjel għandhom rwol kruċjali f'dan ir-rigward (3).

4.

Ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-isport fl-edukazzjoni tat-30 ta' Ottubru 2007 (4) u r-riżoluzzjoni eponima li segwiet u stiednet lill-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiżguraw li jsir aktar enfasi fuq l-iżvilupp tas-saħħa fil-programmi ta' tagħlim fl-iskejjel u qabel l-iskejjel billi jkunu inkoraġġuti forom speċifiċi ta' attività fiżika adattati għall-grupp ta' età msemmi l-aħħar.

5.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea, datata 18 ta' Jannar 2011, li rrikonoxxiet il-ħtieġa għal “appoġġ[… ta'] inizjattivi innovattivi skont il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja relatat mal-attività fiżika fl-iskola (5).

6.

Id-“Dikjarazzjoni ta' Berlin” (MINEPS V) adottata mill-Konferenza tal-Ministri għall-Isport fit-28-30 ta' Mejju 2013“li tenfasizza li l-edukazzjoni fiżika hija punt ta' tluq essenzjali biex it-tfal jitgħallmu l-ħiliet tal-ħajja, jiżviluppaw tendenzi għal parteċipazzjoni f'attività fiżika u mġiba ta' stil ta' ħajja san tul il-ħajja” u li “trawwem ir-rwol importanti ta' sport extrakurrikulari inklużiv fl-iskola fl-iżvilupp bikri u fl-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ”.

7.

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfulija 2014-2020 imniedi mill-Kummissjoni Ewropea fl-2014 (6). Fost it-tmien oqsma ewlenin għal azzjoni il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat l-promozzjoni ta' ambjenti aktar sani, speċjalment fl-iskejjel u l-preprimarji, u l-inkoraġġiment ta' attività fiżika.


(1)  COM(2007) 391 final.

(2)  COM(2007) 279 final.

(3)  http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/nutrition/documents/nutrition_wp_en.pdf

(4)  A6-0415/2007.

(5)  COM(2011) 12 final.

(6)  24 ta' Frar 2014 (aġġornat fit-12 ta' Marzu u fit-28 ta' Lulju 2014).