ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 383

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 58
17 ta' Novembru 2015


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-509 sessjoni plenarja tal-KESE tad-1 u l-2 ta' Lulju 2015

2015/C 383/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar In-nisa u t-trasport (opinjoni esploratorja mitluba mill-Kummissjoni)

1

2015/C 383/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-allegazzjonijiet ambjentali, soċjali u tas-saħħa fis-suq intern (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

8

2015/C 383/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-isport u l-valuri Ewropej (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

14

2015/C 383/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-ħżin tal-enerġija: fattur tal-integrazzjoni u tas-sigurtà tal-enerġija (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

19

2015/C 383/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-bliet intelliġenti, xpruni ta’ politika industrijali Ewropea ġdida (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

24

2015/C 383/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) u l-impatt tagħha fuq l-SMEs (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

34

2015/C 383/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-objettivi għal wara l-2015 fir-reġjun Ewro-Mediterranju (opinjoni fuq inizjttiva proprja)

44

2015/C 383/08

Opinjoni tal-Kumitati Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-finanzjament tal-iżvilupp – il-pożizzjoni tas-soċjetà ċivili (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

49

2015/C 383/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-valutazzjoni tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati mill-Kummissjoni Ewropea (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

57


 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

Il-509 sessjoni plenarja tal-KESE tad-1 u l-2 ta' Lulju 2015

2015/C 383/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Green Paper – Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali(COM(2015) 63 final)

64

2015/C 383/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Protokoll ta’ Pariġi – Pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020(COM(2015) 81 final)

74

2015/C 383/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew għall-Investiment dwar Il-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem(COM(2015) 80 final) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Il-ksib tal-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020(COM(2015) 80 final)

84

2015/C 383/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida(JOIN(2015) 6 final)

91

2015/C 383/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/621/KEE dwar l-iffissar tal-livell massimu ta’ aċidu erukiku fiż-żjut u x-xaħmijiet u r-Regolament (KE) Nru 320/2006 li jistabilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor[COM(2015) 174 final – 2015/0090 COD]

99

2015/C 383/15

OPINJONI tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 (COM(2015) 180 final – 2015/0096 COD)

100


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-509 sessjoni plenarja tal-KESE tad-1 u l-2 ta' Lulju 2015

17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “In-nisa u t-trasport”

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Kummissjoni)

(2015/C 383/01)

Relatur:

is-Sinjura Madi SHARMA

Korelatur:

is-Sur Raymond HENCKS

Nhar it-8 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“In-nisa u t-trasport”

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Ġunju 2015.

Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tal-1 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 119-il vot favur, vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Id-dimensjonijiet kollha tas-settur tat-trasport – l-ajru, il-baħar, it-triq, il-ferrovija, in-navigazzjoni interna, l-ispazju, il-loġistika – huma tradizzjonalment iddominati mill-irġiel, u b’hekk:

il-politika tat-trasport hija orjentata lejn l-irġiel: imfassla mill-irġiel u mibnija fuq l-istil ta’ ħajjithom;

l-impjiegi fis-settur huma primarjament tal-irġiel u maħsuba għall-ħaddiema rġiel;

il-valuri integrati fl-industrija ftit joffru appoġġ lin-nisa fis-settur u ma jiħdux kunsiderazzjoni tal-ġeneru;

il-kunsiderazzjoni tal-ġeneru hija nieqsa mill-politika tat-trasport tal-UE.

Ħarsa lejn l-istatistika attwali fis-settur, inkluża fl-Appendiċi 1, turi d-diskriminazzjoni fis-settur. Ħafna mill-ostakli msemmija huma komuni għal setturi oħra, iżda s-settur tat-trasport speċifikament ma jindirizzax dawn il-kwistjonijiet tajjeb.

1.2

Għalhekk, din l-opinjoni esploratorja, li tfasslet fuq talba tal-Kummissarju tal-UE għat-Trasport, tiffoka fuq l-opportunitajiet għas-settur tat-trasport biex jinkludi aktar lin-nisa u jiġġenera aktar tkabbir ekonomiku, soċjali u sostenibbli. Dan ir-rapport ma jkoprix in-nisa bħala utenti tat-trasport, madankollu, il-KESE jemmen li tista’ titħejja opinjoni esploratorja dwar is-suġġett. Minkejja n-nuqqasijiet, is-sitwazzjoni tista’ tinbidel permezz tal-implimentazzjoni ta’ politiki newtrali għall-ġeneru biex jappoġġaw il-kompetittività, l-innovazzjoni, it-tkabbir u l-impjiegi fil-kuntest tal-Istrateġija UE 2020. Il-Pjan il-ġdid ta’ Investiment għall-Ewropa li jippromovi t-tkabbir u l-impjiegi jrid jintegra l-ugwaljanza bejn is-sessi, billi jelimina l-ostakoli eżistenti abbażi tal-ġeneru u billi jiżviluppa kultura ta’ involviment u inklużività biex b’hekk kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jkunu attivi indaqs fl-aspetti kollha tat-trasport. Jinħtieġ rikonoxximent akbar tal-ġeneru sabiex isir parti prominenti tal-politika tat-trasport tal-UE.

1.3

Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin huma:

jinġabru data u jiġu stabbiliti indikaturi ewlenin għall-identifikazzjoni u t-tneħħija tal-ostakli;

jiġi żgurat li n-nisa jkunu prominenti u attivi fit-tfassil tal-politika u t-teħid ta’ deċiżjonijiet kif ukoll fl-ippjanar;

jiġu impenjati b’mod proattiv iż-żewġ sessi fil-ħolqien ta’ ambjent tax-xogħol aħjar, inklużi pagi ugwali għal xogħol ugwali, fost id-diversitajiet kollha tas-settur;

tittieħed azzjoni biex in-nisa jitħajru għal opportunitajiet ta’ impjieg permezz ta’ miżuri li jtejbu l-kwalità tal-impjieg;

involviment aħjar tal-universitajiet u s-servizzi tal-karrieri biex jippromovu l-ambitu wiesa’ tas-settur, inklużi t-teknoloġija, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-inġinerija;

promozzjoni tar-rwol tan-nisa fin-negozju b’mod proattiv;

l-għoti ta’ setgħa lin-nisa, u settur li jkun aktar inklużiv.

2.   Ħarsa ġenerali

2.1

Il-parteċipazzjoni tal-ġeneri fit-trasport hija kumplessa, u mhix trattata fid-dettall hawnhekk. L-interess fit-trasport jibda bl-edukazzjoni, il-familja, l-esperjenza, in-neċessità jew il-ħtieġa għall-innovazzjoni. Il-parteċipazzjoni fis-settur hija r-riżultat tal-opportunitajiet ta’ karrieri offruti f’istituzzjonijiet edukattivi, il-kwalifiki, il-ħiliet jew in-netwerks. Li persuna tibqa’ fis-settur jista’ jiddependi mill-iżvilupp tar-riżorsi umani, it-taħriġ, it-titjib tal-ħiliet u d-diversifikazzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-salarju, il-ħinijiet tax-xogħol u l-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol.

2.2

Għan-nisa, dan jinkludi kwistjonijiet ta’ sigurtà, vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-fastidju sesswali minn ħaddiema kollegi jew utenti. Barra minn hekk, in-nisa jistgħu jiffaċċjaw waqfa temporanja fil-karriera tagħhom minħabba maternità u għoti ta’ kura. Għalhekk, biex il-persuna terġa’ tidħol fis-settur ikun hemm bżonn arranġamenti flessibbli tax-xogħol, taħriġ mill-ġdid u miżuri sabiex jiġi evitat telf ta’ anzjanità/status.

2.3

Madanakollu, fejn il-kondizzjonijiet tax-xogħol huma tajbin, kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa fis-settur ikollhom sens ta’ skop, sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol, standards għolja ta’ taħriġ, żvilupp tal-ħiliet u opportunitajiet għall-promozzjoni u l-inklużjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Għas-sidien ta’ kumpaniji, dan jissarraf f’opportunitajiet għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.

2.4

Meta jiġu analizzati x-xejriet fil-qasam tal-impjieg, għandha ssir distinzjoni bejn il-persunal mobbli u dak mhux mobbli fir-rigward tat-trasport. In-nisa impjegati fit-trasport isibuha aktar diffiċli li jaħdmu ‘l bogħod mid-dar u b’hekk kważi f’kull professjoni tat-trasport ħlief fl-avjazzjoni, l-impjiegi mobbli huma ddominati mill-irġiel. Tradizzjonalment l-impjiegi mobbli jitħallsu aħjar, u b’hekk id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fit-trasport issir persistenti u aktar diffiċli biex tiġi indirizzati.

2.5

L-impatt tal-kriżi ekonomika affettwa wkoll lill-impjegati nisa. It-tendenzi ta’ qabel il-kriżi kienu juru li l-industrija nfetħet għan-nisa, u li rduppjaw l-isforzi għar-reklutaġġ u l-promozzjoni attivi tan-nisa fit-trasport. Il-parti kbira minn din it-tendenza dak iż-żmien kienet l-iżvilupp ta’ professjonijiet tas-servizzi bbażati fuq l-art u investiment f’teknoloġiji li ma jeħtiġux iżjed is-saħħa fiżika f’xogħol manwali. Madankollu, dawn it-tendenzi ntlaqtu mill-kriżi, peress li t-tnaqqis fl-infiq affettwa wkoll il-miżuri meħtieġa biex jakkumpanjaw il-politiki dwar il-ġeneru fuq il-post tax-xogħol.

3.   Għanijiet ta’ politika għal bilanċ aħjar bejn is-sessi

3.1

Il-KESE jinsab kuntent li l-Kummissarju Bulc, mara, għandha l-portafoll għat-trasport. Ta’ spiss wisq, il-kompożizzjoni tal-ġeneri fil-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tkun ibbażata fuq l-isterjotipi pjuttost milli fuq il-kompetenza. Biex is-settur tat-trasport tal-UE jirnexxi bi tkabbir sostenibbli qawwi, irid ikollu newtralità bejn is-sessi fil-proċess tiegħu ta’ tfassil tal-politiki u teħid tad-deċiżjonijiet. In-nisa għandhom ikunu involuti b’mod ugwali, mhux permezz ta’ diskriminazzjoni pożittiva iżda fuq il-mertu, il-kompetenza u t-trasparenza tal-ħatriet.

3.2

Intwera li l-parteċipazzjoni akbar tan-nisa f’livell għoli, inkluż bħala diretturi mhux eżekuttivi, fl-aħħar mill-aħħar hija ta’ benefiċċu għall-kumpaniji (1). L-involviment tan-nisa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ikun ta’ għajnuna għal kumpaniji, istituzzjonijiet u assoċjazzjonijiet biex jinnovaw, u jġib fehim ġdid dwar is-suq. Forza tax-xogħol b’taħlita ta’ nisa u rġiel tippromovi l-kollaborazzjoni, il-fehim u t-tolleranza, u ntwera li tagħti spinta lill-kompetittività, il-produttività u r-responsabilità soċjali korporattiva, u b’hekk tiżgura iż-żamma taż-żewġ ġeneri.

3.3

Il-KESE b’hekk jirrakkomanda proċeduri sempliċi u mhux burokratiċi ta’ awditjar u rapportar regolari dwar il-progress li ntlaħaq minn atturi tat-trasport (dawk li jfasslu l-politika, il-kumpaniji, it-trejdjunjins, l-assoċjazzjonijiet tat-trasport, il-partijiet interessati) dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. Dan għandu jinkludi l-edukazzjoni tal-utenti biex jingħelbu l-isterjotipi u l-perċezzjonijiet. In-nisa u l-irġiel għandhom jingħataw l-istess opportunitajiet biex jinfluwenzaw il-ħolqien, id-disinn u l-ġestjoni tas-sistema tat-trasport, filwaqt li l-valuri tagħhom jingħataw l-istess piż. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra dan kemm fid-djalogu ta’ politika tagħha stess kif ukoll bħala rekwiżit għall-finanzjament ta’ proġetti tat-TEN-T jew għall-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp.

4.   Ġbir ta’ data u indikaturi

4.1

Il-Kummissjoni tal-UE u l-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw aħjar l-industrija permezz ta’ ġbir ta’ data u analiżijiet statistiċi li jikkunsidraw u jkunu diżaggregati skont il-ġeneru, filwaqt li jagħmlu enfasi fuq l-oqsma ewlenin għall-investiment jew l-appoġġ.

4.2

Għandhom jiġu kkunsidrati l-indikaturi li ġejjin:

gwida u pariri mill-edukazzjoni sekondarja sa dik terzjarja;

kwalifiki u taħriġ – inkluż mill-edukazzjoni sekondarja sal-edukazzjoni għolja;

salarji ta’ reklutaġġ;

opportunitajiet u ostakoli għall-karriera;

bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol;

saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

kultura tax-xogħol, inkluż tqassim skont ir-rwoli tal-ġeneri;

nisa fit-tfassil tal-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż fil-livell tal-bord tal-kumpanija;

allokazzjoni ta’ riżorsi għal intraprendituri nisa.

4.3

L-analiżi tad-data tista’ tintuża biex jiġi studjat iċ-ċiklu tal-impjieg, fejn jeżistu ostakoli għad-dħul u l-progressjoni tan-nisa fis-settur. Minn hemm’ il quddiem, jistgħu jinħolqu strumenti speċifiċi għall-industrija biex jindirizzaw id-dgħufijiet li jiddiskriminaw kontra n-nisa.

4.4

Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkunsidra wkoll li tanalizza dawn li ġejjin:

id-distribuzzjoni u l-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi, inklużi l-finanzjament mill-UE ta’ proġetti, peress li l-preġudizzji bbażati fuq il-ġeneru fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandhom impatt fuq l-użu tal-baġits pubbliċi u l-infrastrutturi pubbliċi. Dan għandu jwassal għall-introduzzjoni ta’ baġitjar skont il-ġeneru fil-politika Ewropea dwar it-trasport;

id-diviżjoni tal-miżuri makroekonomiċi għall-ġlieda kontra l-impatt tal-preġudizzji bbażati fuq il-ġeneru fl-iżvilupp tal-politiki fiskali, il-politiki ta’ pprezzar tat-toroq, il-politika tat-taxxa fuq l-avjazzjoni, il-politika tas-servizzi pubbliċi, il-politiki ta’ liberalizzazzjoni u l-politika tad-drittijiet tal-konsumatur. Dan jiżgura l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-servizzi pubbliċi kif ukoll fil-politiki ta’ liberalizzazzjoni/privatizzazzjoni fi ħdan is-settur;

il-ġbir tad-data sabiex isservi bħala bażi, mibnija fuq l-evidenza, għal politika futura Ewropea tat-trasport u l-proċessi tagħha. Pereżempju, il-Public Transport Gender Audit tar-Renju Unit jenfasizza l-konformità mill-istituzzjonijiet tat-trasport fil-qasam tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

5.   L-impjieg: il-parteċipazzjoni tan-nisa

5.1

L-Ewropa rat żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol fis-setturi kollha f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin. It-tkabbir qed jissokta, iżda madankollu, is-settur tat-trasport għadu fil-biċċa l-kbira ostili għan-nisa li jaħdmu. Minkejja għadd ta’ inizjattivi taħt il-Fond Soċjali Ewropew u l-programm EQUAL, is-settur tat-trasport għadu industrija segregata fejn hemm konċentrazzjoni ta’ rġiel bħala sewwieqa/piloti, tekniċi jew f’impjiegi li jinvolvu xogħol fiżiku u ammont kbir ta’ xogħol, filwaqt li n-nisa huma fil-biċċa l-kbira f’impjiegi marbuta mas-servizzi u impjiegi amministrattivi.

5.2

B’mod ġenerali, ir-ristrutturar fis-settur tat-trasport laqat l-aktar il-postijiet tat-trasport dominati mill-irġiel: ferroviji, portijiet u passaġġi navigabbli interni; filwaqt li aktar nisa huma impjegati fl-attivitajiet tas-servizzi żviluppati fil-ktajjen ta’ forniment li qed ifiġġu, fil-kumpaniji tal-loġistika, eċċ. Illum l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda jippermetti li n-nisa u l-irġiel isibu bl-istess mod impjieg fis-setturi li tradizzjonalment kienu jinvolvu xogħol fiżiku iebes. Madankollu, il-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol għadu problema u qed ikompli jfixkel l-impjieg tan-nisa f’impjiegi mobbli.

5.3

Il-perċezzjoni ġenerali li ċerti impjiegi, postijiet tax-xogħol, arranġamenti ta’ ħin tax-xogħol huma esklussivament adatti għall-irġiel hija mifruxa sew. Dan għandu impatt konsiderevoli fuq ir-reklutaġġ u ż-żamma ta’ ħaddiema nisa f’impjiegi fejn in-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed.

5.4

Fir-rigward tal-ugwaljanza fil-pagi, is-segregazzjoni fit-trasport issostni d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri. L-irġiel huma kkonċentrati f’impjiegi tekniċi, u jitqiesu bħala aktar kwalifikati, filwaqt li n-nisa huma predominanti fl-amministrazzjoni u s-servizzi għall-konsumatur. L-irġiel jaħdmu sigħat itwal u għandhom aktar impjiegi full-time fit-trasport, filwaqt li n-nisa għandhom it-tendenza li jagħżlu arranġamenti ta’ xogħol aktar flessibbli b’opportunitajiet limitati. Fit-trasport, il-prospetti ta’ karriera huma aħjar għall-irġiel milli għan-nisa. L-aċċess għal impjiegi ddominati mill-irġiel għadu problematiku, minkejja l-fatt li kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa għandhom l-istess aċċess għal taħriġ vokazzjonali. Dan iwassal għal sitwazzjonijiet fejn in-nisa huma mħarrġa fi professjonijiet tekniċi iżda ma jistgħux isibu xogħol li jaqbel mal-livell tal-kwalifiki tagħhom. Dan kollu jikkontribwixxi biex tikber id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel fis-settur tat-trasport.

5.5

Approċċ li jkun sensittiv għall-ugwaljanza bejn is-sessi fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fis-settur tat-trasport jipprovdi għadd ta’ sfidi peress li l-maġġoranza tal-impjiegi b’riskju evidenti ta’ aċċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol huma ddominati mill-irġiel. Dan inaqqas l-possibiltajiet għal approċċ divrenzjat skont il-ġeneri fil-politiki/miżuri tas-saħħa u s-sigurtà. Madankollu, impjiegi, kompiti, u kundizzjonijiet tax-xogħol jew sigħat maħduma li jvarjaw jirrappreżentaw esponiment għall-perikli differenti.

5.6

Is-settur tat-trasport tal-Unjoni Ewropea għandu inċidenza għolja ta’ kull forma ta’ vjolenza, fejn ħafna tipi ta’ inċidenti ma jiġux rappurtati. Il-vjolenza ta’ partijiet terzi hija daqstant ieħor problematika fit-trasport peress li n-nisa huma fil-biċċa l-kbira kkonċentrati f’dawk il-professjonijiet tat-trasport li jinvolvu kuntatt dirett mal-konsumatur, u għaldaqstant għandhom it-tendenza li jkunu aktar esposti għal imġiba aggressiva u attakki minn klijenti. Il-persunal tal-front desk jiffaċċja livelli dejjem akbar ta’ frustrazzjoni tal-pubbliku minħabba konġestjonijiet, dewmien jew nuqqas ta’ informazzjoni matul id-dewmien. F’dan il-kuntest għandu jsir aktar biex il-kumpaniji tat-trasport jiġu mħeġġa jadottaw politiki dwar tolleranza żero fir-rigward tal-vjolenza fuq il-post tax-xogħol.

5.7

Il-KESE jipproponi li r-reviżjoni tal-White Paper tal-2011 dwar Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-trasport jinkludi inizjattiva ġdida – li għandha tiżdied mal-lista fl-Anness I – favur l-ugwaljanza bejn is-sessi fi professjonijiet fit-trasport, jiġifieri azzjonijiet li jħajru lin-nisa għall-opportunitajiet tax-xogħol fis-settur tat-trasport permezz ta’ miżuri li jtejbu l-kwalità tal-impjieg fil-modi kollha tat-trasport, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fit-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja (LLL), u fl-opportunitajiet operattivi u tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u ta’ karriera tajba, li lkoll jikkontribwixxu għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. In-nisa jistgħu jiġu integrati aħjar fis-settur tat-trasport permezz ta’ azzjoni pożittiva, li tirrikjedi minn tal-inqas infrastruttura sanitarja ġdida, kmamar għat-tbiddil tal-ħwejjeġ u akkomodazzjoni kif ukoll valutazzjoni aktar raġonevoli tal-ħin ta’ xogħol bla mistrieħ, kif ukoll l-istress, moviment ripetut u l-għejja b’rabta ma’ kull mod tat-trasport.

5.8

Għadd ta’ inizjattivi tal-imsieħba soċjali settorjali Ewropej biex it-trasport isir post tax-xogħol aħjar għan-nisa juru l-għarfien tal-industrija dwar l-ostakoli potenzjali li għandhom jiġu indirizzati. Studju mwettaq mill-imsieħba soċjali tas-settur ferrovjarju CER u ETF dwar ir-rappreżentazzjoni u l-integrazzjoni aħjar tan-nisa fi professjonijiet ferrovjarji wassal għal rakkomandazzjonijiet li l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell tal-kumpanija bħalissa qed jiġi sorveljat b’mod konġunt miż-żewġ organizzazzjonijiet. L-UITP u l-ETF adottaw l-istess approċċ fit-trasport pubbliku urban. Fl-2014, fit-trasport marittimu, l-ETF u l-ECSA żviluppaw sett ta’ għodod ta’ taħriġ komprensiv, li jinkludi linji gwida, filmat u workbook bil-għan li jittrattaw il-fastidju abbord bastiment. Fil-portijiet u l-baċiri, l-ETF, l-ESPO, l-IDC u l-FEPORT reċentement qablu dwar rakkomandazzjonijiet konġunti b’14-il punt ta’ azzjoni bil-għan li jippromovu u jżommu n-nisa fl-impjieg fil-portijiet.

5.9

Ħafna organizzazzjonijiet, inklużi l-ILO u l-imsieħba soċjali, diġà ħolqu linji gwida, pakketti ta’ taħriġ, settijiet ta’ għodod u kodiċijiet ta’ prattika li jistgħu jintużaw jew jissaħħu biex iżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur. Il-Kummissjoni tista’ tinkludi dimensjoni qawwija tal-ġeneri fi ħdan il-pilastri ta’ Osservatorju Soċjali, tal-Impjiegi u tat-Taħriġ fis-settur tat-trasport, kif rakkomandat fl-Opinjoni tal-KESE tal-2011 dwar “Kif il-politiki tal-UE affettwaw l-opportunitajiet ta’ xogħol, il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-trasport”.

6.   In-nisa fin-negozju

6.1

L-intraprendituri saru iktar importanti bħala fornituri ta’ opportunitajiet ta’ impjieg u atturi ewlenin, inkluż fis-settur tat-trasport (2). Illum dan jinkludi l-involviment fl-ekonomija ekoloġika, is-sistemi ta’ trasport intelliġenti ITS, CCTV, l-ippjanar fil-ħin reali u s-sigurtà.

6.2

Politiki sempliċi, speċifiċi għal intrapriżi b’sidien nisa jistgħu jġibu redditu fuq l-investiment filwaqt li jżidu l-opportunitajiet ta’ tkabbir u impjiegi fl-UE. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li twaqqaf uffiċċju għas-sjieda ta’ negozji min-nisa fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u fil-ministeri kompetenti tal-Istati Membri. Dan għandu jkun parti mill-ministeri għall-iżvilupp ekonomiku sabiex ikun hemm distinzjoni ċara bejn l-attivitajiet ekonomiċi tal-intrapriżi u r-responsabbiltajiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

6.3

Barra dan, għandha tittieħed f’kunsiderazzjoni il-ħatra ta’ direttur għall-intrapriżi mmexxija min-nisa jew rappreżentant għoli fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u fl-Istati Membri, bi rwol mifrux mad-dipartimenti favur is-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji ekonomiċi li aktar nisa jitħeġġu jibdew u jkabbru n-negozji. Dan id-“direttur għall-intrapriżi” jista’ jkollu wkoll ir-responsabbiltà li jippromovi l-proċessi industrijali u akkademiċi li jwasslu għal żieda fl-intraprenditorija femminili bħar-riċerka, ix-xjenza, l-inġinerija tat-teknoloġija avvanzata, l-inġinerija tat-trasport u l-iżvilupp tal-IT.

7.   In-nisa u t-trasport: nagħmlu dan realtà

7.1

Biex jingħeleb in-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa u biex tintuża l-firxa tat-talenti tan-nisa fis-suq tax-xogħol tat-trasport b’mod aktar effiċjenti u b’mod estensiv, il-KESE jirrakkomanda l-għodod li ġejjin li jistgħu jintużaw biex tinbena l-kapaċità tan-nisa fil-livelli kollha. Dan jista’ jsir permezz tal-iżvilupp ta’ proġetti tal-UE fi ħdan id-DĠ Trasport, jew f’kollaborazzjoni ma’ proġetti tal-UE oħrajn stabbiliti: sħubijiet:

jiġi żviluppat approċċ koordinat bejn l-istituzzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija, it-trejdjunjins, il-partijiet interessati li jaħdmu fis-settur, sabiex titwaqqaf kampanja li tilqa’ lin-nisa fl-industrija tat-trasport u li tenfasizza l-valur miżjud għall-ekonomija tal-UE u n-nisġa soċjali ta’ inklużjoni aħjar tan-nisa fis-settur. Dan intlaħaq reċentement mill-UK Transport for London, fejn ġew preżentati eżempji ta’ 100 mara fis-settur tat-trasport. Iċ-ċelebrazzjoni tas-suċċess tagħhom uriet r-rwol importanti tan-nisa fit-trasport u serviet ta’ impenn, motivazzjoni u ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri ta’ ħaddiema tat-trasport nisa;

ugwaljanza fit-trasport: Din mhijiex speċifika għall-industriji, iżda studji juru li l-inugwaljanzi fis-settur tat-trasport huma raġuni ewlenija għalfejn in-nisa ma jqisux involviment akbar fis-settur. Dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati bi prijorità:

paga indaqs għall-istess xogħol,

proċess trasparenti ta’ reklutaġġ,

prattiki tax-xogħol flessibbli – inklużi l-kondiviżjoni tal-impjieg u l-opportunitajiet ta’ xogħol part-time,

jiġi attirat it-talent – kunsiderazzjoni ta’ ħaddiema nisa maturi kif ukoll żgħażagħ, kemm mingħajr kif ukoll bi kwalifiki ta’ livell għoli,

teħid ta’ deċiżjonijiet – jiġu inklużi aktar nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji, fi ħdan l-istrutturi ta’ tmexxija, fit-trejdjunjins lil hinn mil-livell ta’ sħubija, u fi ħdan it-tfassil tal-politika.

7.2

Mentoring: iż-żieda ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ, biex jingħataw għarfien u esperjenza, u biex jinħolqu netwerks u tingħata gwida. Dan jista’ jiġi pprovdut internament fi ħdan il-kumpaniji u bejn il-livelli tal-impjegati, b’mod estern bejn il-kumpaniji u setturi tat-trasport komparabbli, u permezz ta’ programmi stabbiliti ta’ mentoring li ma jiffukawx biss fuq it-trasport. In-netwerks ta’ mentoring għandhom jinkludu kemm parteċipanti nisa kif ukoll irġiel. Barra minn hekk, dawn in-netwerks jistgħu jiġu żviluppati f’raggruppamenti u jistgħu jkunu transsettorjali sabiex jippermettu t-trasferiment tal-għarfien, l-aħjar prattiki, il-ħiliet u l-opportunitajiet madwar l-industrija tat-trasport.

7.3

Programmi ta’ żvilupp: il-ħolqien ta’ taħriġ li jippermetti l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kisba ta’ kwalifiki professjonali biex jiżdiedu l-kompetenzi mingħajr preġudizzji bbażati fuq il-ġeneru, biex b’hekk tiġi żgurata l-ugwaljanza fil-livelli ta' kompetenza għar-reklutaġġ jew il-promozzjonijiet.

7.4

Edukazzjoni: għandhom jiġu riveduti s-sistema edukattiva u l-promozzjoni tar-rwoli fis-settur tat-trasport sabiex is-suppożizzjoni li s-settur huwa adattat biss għall-irġiel tingħata definizzjoni mill-ġdid. Jintagħżlu mudelli ta’ eżempju femminili biex jippromovu l-opportunitajiet.

7.5

Promozzjoni tal-innovazzjoni u n-negozju żgħir fit-trasport: identifikazzjoni ta’ nisa li jaħdmu f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju sabiex jiġu identifikati tendenzi ġodda, innovazzjoni u possibbiltajiet ta’ riċerka u żvilupp. Eżempji ta’ suċċessi. L-aħjar prattika: Women 1st Top 100 Club huwa netwerk tal-aktar nisa influwenti fl-ospitabbiltà, il-ġarr tal-passiġġieri, l-ivvjaġġar u t-turiżmu, li jaġixxu ta’ ambaxxaturi u mudelli eżemplari għan-nisa mexxejja tal-futur (http://women1st.co.uk/top-100).

7.6

Involviment tal-katina tal-provvista: il-fornituri jitħeġġu jinkludu data dwar il-ġeneri fil-katina tal-provvista tagħhom. Identifikazzjoni tal-opportunitajiet biex jiġu kkunsidrati kuntratti ta’ akkwist għal kumpaniji b’sidien nisa. (L-aħjar prattika: l-inizjattiva WEConnect ibbażata fl-Istati Uniti toffri offerti u kuntratti ta’ akkwist speċjalment għan-nisa fis-setturi kollha. Din issa topera fl-Ewropa (http://weconnectinternational.org).

7.7

Responsabbiltà soċjali korporattiva: il-kumpaniji jitħeġġu jirrapportaw statistiċi dwar il-ġeneri bħala parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħhom u jieħdu impenn favur il-promozzjoni tan-nisa fis-settur tat-trasport. Kontribut għall-iżvilupp tal-marka tal-industrija bħala “industrija ta’ preferenza” għal kulħadd.

7.8

Internazzjonalizzazzjoni: l-Ewropa hija apprezzata għat-trasferiment tal-għarfien u għall-iżvilupp ta’ sħubiji tagħha. It-trasport huwa settur globali b’ħafna sfidi fejn l-Ewropa tista’ taqsam l-esperjenza u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tagħha, kif ukoll tinfetaħ għal swieq ġodda. Rwol kruċjali għan-nisa fis-settur għandu jkun il-promozzjoni tal-industrija Ewropea u l-għarfien espert fil-pajjiżi barranin.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 133. 9.5.2013, p. 68.

(2)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 24.


17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-allegazzjonijiet ambjentali, soċjali u tas-saħħa fis-suq intern”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 383/02)

Relatur:

is-Sur Bernardo HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar it-22 ta’ Jannar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-allegazzjonijiet ambjentali, soċjali u tas-saħħa fis-suq intern

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-9 ta’ Ġunju 2015.

Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015, (seduta tat-2 ta’ Lulju 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’135 vot favur, 17-il vot kontra u 14-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-komunikazzjoni kummerċjali hija għodda importanti sabiex l-intrapriżi jkunu jistgħu jirreklamaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom b’mod trasparenti, filwaqt li jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern b’livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Madankollu, hemm ċerti messaġġi li mhumiex veri jew li fihom kontenut li mhuwiex eżatt, u jinkludu allegazzjonijiet ambjentali, soċjali jew etiċi u tas-saħħa li jagħmlu ħsara kemm lill-intrapriżi li jirrispettaw il-leġislazzjoni kollha kif ukoll lill-konsumaturi.

1.2.

Attwalment, il-prestazzjoni ambjentali u soċjali tal-prodotti u s-servizzi titkejjel u tiġi kkomunikata bl-użu ta’ mezzi u formati distinti, fil-kuntest ta’ inizjattivi differenti, b’diversi formati u abbażi ta’ metodoloġiji differenti ta’ valutazzjoni. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iqis importanti li l-Kummissjoni tipproponi metodi Ewropej għall-valutazzjoni u l-komunikazzjoni tal-impatt ambjentali globali tal-prodotti u s-servizzi. Barra minn hekk, għandu jitfassal inventarju ta’ tikketti uffiċjali, li jispeċifika t-tifsira tagħhom u l-entitajiet akkreditati li joħorġuhom, jivvalidawhom u jiddivrenzawhom. Fi kwalunkwe każ, il-konsumaturi għandhom id-dritt li jkollhom informazzjoni ċara u preċiża dwar l-oriġini tal-prodotti.

1.3.

Il-KESE jistenna li bil-għan li jiġi estiż l-ambitu tad-Direttiva 2005/29/KE, il-Kummissjoni tirrevedi l-linji gwida sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-konsumaturi u n-negozji għal informazzjoni affidabbli u trasparenti, u tiċċara l-użu tal-allegazzjonijiet ambjentali, etiċi u tas-saħħa fil-komunikazzjoni kummerċjali.

1.4.

Fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva, f’kull Stat Membru, l-awtorità tal-konsumatur għandha twettaq “inventarju” dwar l-allegazzjonijiet ambjentali, soċjali, etiċi u tas-saħħa, sabiex tkun tista’ tivvaluta s-sitwazzjoni eżistenti permezz ta’ data konkreta.

1.5.

Għandu jiġi stabbilit qafas legali koerenti, komprensiv u konsistenti, fil-livell tal-UE, sabiex tiġi rregolata l-komunikazzjoni kummerċjali onlajn, li jirrispetta d-dritt għall-privatezza personali u l-protezzjoni ta’ objettivi oħra ta’ interess pubbliku.

1.6.

Fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom iħeġġu inizjattivi ta’ sorveljanza, ta’ kontroll u ta’ sanzjoni fir-rigward tas-sistemi ta’ awtoregolazzjoni u koregolazzjoni eżistenti f’dan il-qasam, li fihom hemm inklużi allegazzjonijiet ambjentali, soċjali u tas-saħħa, b’mod partikolari billi jiżguraw li l-korpi nazzjonali u Ewropej li jirregolaw ir-reklamar jissodisfaw l-istandards stabbiliti fid-dispożizzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-UE u, b’mod partikolari, bil-għan li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom jiġu infurmati dwar l-abbozzar ta’ kodiċi ta’ kondotta, sabiex jiġu involuti fit-tfassil tagħhom.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fl-Unjoni Ewropea hemm għadd kbir ta’ kumpaniji li jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni kompluta, korretta u trasparenti dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-beni u s-servizzi mqiegħda fis-suq. Madankollu, permezz tal-użu mhux xieraq ta’ allegazzjonijiet ambjentali, soċjali u tas-saħħa, qed issir ħsara lill-intrapriżi li jsegwu r-regoli u lill-konsumaturi li jixtru l-beni u s-servizzi.

2.2.

Id-dritt għall-informazzjoni jippermetti l-funzjonament ta’ suq intern aktar trasparenti u jmur kontra n-nuqqas evidenti ta’ simmetriji fir-relazzjoni bejn il-fornitur u l-konsumatur.

2.3.

Il-konsumatur għandu d-dritt li jikseb informazzjoni kompluta, korretta u trasparenti dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-beni u s-servizzi mqiegħda fis-suq.

2.4.

Għaldaqstant, l-informazzjoni hija fattur determinanti sabiex il-konsumaturi u l-utenti jiddeċiedu dwar ix-xiri, kemm meta jixtru prodott b’mod preferenzjali u selettiv kif ukoll meta jirrifjutaw dawk li ma jipprovdux l-istess sodisfazzjon għall-ħtiġijiet u x-xewqat tagħhom. Min-naħa tiegħu, l-iżvilupp teknoloġiku jippermetti dejjem aktar li l-kumpaniji jissodisfaw it-talbiet tas-segmenti differenti tal-konsumaturi fuq bażi individwali, fi proċess ta’ lealtà permezz tal-adattament tal-prodotti, kif spjegat fil-kummerċjalizzazzjoni “one to one”.

2.5.

F’mudell ta’ ekonomija soċjali tas-suq, bħal dak stabbilit fit-Trattat, l-Unjoni ma għandhiex qafas legali komprensiv għall-komunikazzjonijiet kummerċjali peress li mhuwiex komplut u huwa kumpless bla bżonn, inkonsistenti u, xi minn daqqiet, inkoerenti, peress li huwa prinċipalment ibbażat fuq:

id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar prattiċi kummerċjali żleali, li tkopri biss ir-relazzjonijiet bejn il-konsumaturi u l-intrapriżi. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar is-saħħa tal-UE u tal-Istati Membri u, fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, l-Istati Membri jistgħu jimponu kondizzjonijiet aktar eżiġenti jew aktar ristrettivi minn dawk previsti fid-Direttiva;

id-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar ir-reklamar qarrieqi u komparattiv, li tkopri r-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi;

Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) li emendat id-direttiva normalment magħrufa bħala d-“Direttiva dwar it-TV Mingħajr Fruntieri (TVWFD));

fis-settur alimentari jeżisti r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar l-allegazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa li jsiru fuq l-ikel, anke fir-rigward ta’ setturi oħra fil-qasam tas-saħħa, bħal dak tal-kożmetiċi u l-prodotti tal-kura personali, li fihom qed taħdem diġà l-Kummissjoni;

il-Komunikazzjoni dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (5) jew l-aħħar Komunikazzjoni dwar Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa (6).

2.6.

Il-Kummissjoni ppubblikat diversi komunikazzjonijiet, nediet dibattitu pubbliku u, fost affarijiet oħra, qed taħdem fuq l-hekk imsejħa “impronta ekoloġika” tal-prodotti sabiex tiġi żgurata informazzjoni affidabbli u preċiża dwar l-impatt ambjentali tal-prodotti tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

2.7.

Għalkemm il-konsumaturi għandhom aktar possibbiltajiet ta’ aċċess għall-informazzjoni minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi, ir-regolazzjoni tal-komunikazzjoni kummerċjali onlajn fil-livell tal-Unjoni attwalment tinsab mifruxa f’diversi testi (direttivi dwar il-kummerċ elettroniku, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni tal-privatezza fil-komunikazzjonijiet kummerċjali, il-prattiki kummerċjali inġusti, eċċ.). Il-KESE jqis li fil-ġejjieni għandha titressaq proposta bħala kontinwazzjoni tal-istrateġija adottata. Madankollu, fuq perjodu qasir ta’ żmien għandu jkun hemm konsolidazzjoni li tinkludi ir-regoli attwali f’test wieħed riformulat u jiġu evitati kontradizzjonijiet fil-messaġġi li jużaw dan il-mezz.

2.8.

Barra minn hekk, fir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni relatata mal-protezzjoni tal-konsumatur diġà jeżisti qafas ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, li għandu jibni fuq dawn l-oqsma, sabiex jiġi evalwat il-ksur possibbli.

2.9.

Fir-rigward tal-modi eżistenti għal rimedju, dawn ivarjaw ħafna skont l-Istati Membri peress li, filwaqt li xi wħud jipprovdu direttament lill-qrati il-mezzi neċessarji sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards, oħrajn żviluppaw diversi inizjattivi ta’ awtoregolazzjoni u koregolazzjoni tar-reklamar, permezz ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u l-ħolqien ta’ korpi għas-soluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti f’dan il-qasam, li jikkomplementaw il-leġislazzjoni u l-mekkaniżmi amministrattivi u ġudizzjarji eżistenti għall-kontroll tal-konformità.

2.10.

Jeżistu fatturi varjabbli oħra li jkomplu jikkomplikaw il-problema, bħal:

l-għażla ta’ tikkettar volontarju;

l-impronta tal-politiki dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva;

domanda aktar selettiva tal-konsumaturi għal prodotti li għandhom ċerti karatteristiċi speċifiċi jew speċjali, li jindirizzaw tħassib partikolari;

l-inadegwatezza frekwenti ta’ mekkaniżmi effettivi ta’ kontroll; u

id-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-konsumaturi sabiex jiddivrenzjaw u jivverifikaw l-informazzjoni.

2.11.

Fl-aħħar nett, jekk ċerti tekniki promozzjonali, bħall-kontenut tal-marka (branded content), il-marketing emozzjonali u r-rakkonti tal-istejjer (storytelling), l-inklużjoni ta’ prodotti kummerċjali (product placement) jew l-użu tal-hekk imsejjaħ neuromarketing, jgħinu lill-fornituri jilħqu b’mod aktar effettiv l-għanijiet kummerċjali tagħhom, min-naħa l-oħra dawn jagħmluha diffiċli għaċ-ċittadini biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ xiri, ta’ użu u ta’ konsum b’mod razzjonali, abbażi ta’ valutazzjoni reali tal-benefiċċji tal-beni u s-servizzi u l-adegwatezza tal-prezz tagħhom. Fost affarijiet oħra, minħabba li f’ħafna każijiet dawn it-tekniki jneħħu d-distinzjoni tradizzjonali bejn il-kontenut pubbliċitarju u mhux, id-destinatarji tal-messaġġ jiċċaħdu mid-dritt tagħhom li jiġu informati dwar in-natura u l-intenzjoni kummerċjali ta’ messaġġ li jidher li huwa informattiv u, għalhekk, jistgħu jiżgwidaw b’mod partikolari lill-konsumaturi l-iżjed vulnerabbli, bħaż-żgħażagħ, il-persuni mdaħħlin fl-età, u l-persuni b’diżabbiltà.

2.12.

Fil-qosor, il-KESE jappoġġja l-offerta ta’ prodotti jew servizzi tal-aħjar kwalità, li jkunu saru b’mod etiku, jew li jintgħarfu mill-prestazzjoni ambjentali jew soċjali aħjar, u l-inklużjoni ta’ allegazzjonijiet ambjentali, soċjali u tas-saħħa. L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tiffoka fuq l-allegazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet kummerċjali li huma foloz, mhumiex eżatti jew li jwasslu għal konfużjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-komunikazzjonijiet kummerċjali bbażati fuq allegazzjonijiet li mhumiex ċari, mhumiex eżatti jew li ma jistgħux jiġu vverifikati, u li huma sors ta’ żbalji u ta’ konfużjoni, għandhom impatt differenti u varjat, iżda kollha kemm huma jikkawżaw dannu sinifikanti għall-konsumaturi, l-intrapriżi li jikkonformaw mal-liġijiet u, minħabba f’hekk, jikkawżaw dannu wkoll għall-funzjonament ta’ suq ta’ beni u servizzi li huwa etiku u trasparenti.

3.2.

Fost oħrajn jistgħu jissemmew il-konsegwenzi li ġejjin:

id-distorsjoni tal-provvista, minħabba l-effett fuq il-prezzijiet ta’ dawn l-allegazzjonijiet;

il-ħolqien ta’ swieq mhux trasparenti b’nuqqas kbir ta’ simmetrija bejn il-provvista u d-domanda;

il-limitazzjoni tas-setgħa tax-xiri tal-konsumatur billi tiddgħajjef il-ħila tiegħu li jieħu deċiżjonijiet informati, minħabba nuqqas ta’ informazzjoni korretta li tippermettilu jivverifika l-ħtiġijiet u x-xewqat tiegħu fil-konfront tal-karatteristiċi ta’ dak li qed jiġi offrut;

l-effett skoraġġanti u ta’ frustrazzjoni fuq il-konsumaturi li jixtiequ jieħu deċiżjonijiet (ambjentali, soċjali, tas-saħħa) b’mod responsabbli meta l-informazzjoni li jirċievu tkun qarrieqa, falza jew mhux verifikabbli;

l-inkoraġġament ta’ mġiba opportunista (free riders) li xxekkel l-istabbiliment u l-estensjoni tal-konsum responsabbli, minn offerenti li jibbenefikaw mill-interess dejjem jikber tal-konsumaturi f’dawn il-fatturi, iżda mingħajr ma jkunu lesti jallokaw ir-riżorsi meħtieġa, u dan idgħajjef ukoll dawk il-kumpaniji li joperaw b’mod korrett;

it-telf ta’ fiduċja tal-konsumatur fis-suq u l-kontroll eżerċitat mill-awtoritajiet pubbliċi f’dan ir-rigward.

3.3.

Din l-informazzjoni trid tissodisfa l-bżonnijiet reali u l-aspettattivi tal-konsumaturi, u għalhekk l-adegwatezza tagħha għandha tiġi evalwata skont l-għan, il-kontenut, il-preżentazzjoni, il-kuntest u l-identifikazzjoni tal-messaġġ pubbliċitarju, l l-parametri bażiċi tiegħu huma dawn li ġejjin: l-affidabbiltà, l-attwalità, l-imparzjalità, il-preċiżjoni, ir-rilevanza, il-qosor, il-fehim, iċ-ċarezza, il-leġibbiltà u l-aċċess faċli. Il-KESE jitlob biex fit-tikketti tal-prodotti tiġi inkluża l-oriġini tagħhom għaliex din iżżid il-livell ta’ protezzjoni, tippermetti li jiġi evitat li l-konsumaturi jiżbaljaw jew ikunu konfużi, kif ukoll biex l-għażla tagħhom tkun iżjed faċli.

4.   L-allegazzjonijiet ambjentali

4.1.

L-allegazzjonijiet ambjentali prinċipalment jiffokaw fuq l-impatt fuq l-ambjent tal-kompożizzjoni tal-prodotti jew l-użu tagħhom, spiss marbut mat-tibdil fil-klima u l-emissjonijiet li jniġġsu. Iżda dawn jistgħu jiġu estiżi għal termini oħra bħall-użu razzjonali tar-riżorsi naturali, id-deforestazzjoni, id-diversità tal-ispeċijiet, jew l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jiġifieri, fl-aħħar mill-aħħar, l-impronta ambjentali tal-attività tal-intrapriżi u l-konsum tal-prodotti fuq l-ambjent tagħna.

4.2.

Meta l-użu ta’ dawn l-allegazzjonijiet ikun purament formali jew evidenti iżda ma jaffettwax ir-realtà tal-prodott jew il-manifattura tiegħu, jinħoloq il-fenomenu magħruf bħala “greenwashing”, li jista’ jiġi definit bħala l-promozzjoni selettiva tal-informazzjoni ambjentali pożittiva permezz tar-reklamar, li twassal għal immaġni falza tar-realtà f’moħħ il-konsumatur, minħabba li l-aspetti ekoloġiċi jiġu rappreżentati żżejjed. Il-Kummissjoni tiddefinixxi dan ukoll fil-gwida tagħha għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE (7).

4.3.

Minn perspettiva ambjentali, l-informazzjoni dwar l-impatti (negattivi jew pożittivi) ta’ marka toħloq f’moħħ il-konsumaturi immaġni tal-istess marka. Fl-istess ħin, din l-immaġni tinfluwenza aspetti bħad-deċiżjoni ta’ xiri jew l-opinjoni politika. Billi tiġi ppenalizzata l-imġiba “ħażina” u tiġi ppremjata dik “tajba”, li tiġi espressa f’deċiżjoni ta’ xiri, is-sistema tilħaq ċertu bilanċ dinamiku.

4.4.

It-tekniki ta’ “greenwashing” l-aktar użati huma dawn li ġejjin:

immaġni ekoloġika ta’ proċess li jniġġes. Dikjarazzjoni li tissuġġerixxi li prodott huwa “ekoloġiku” abbażi ta’ sett limitat ta’ attributi mingħajr ma tingħata attenzjoni lil kwistjonijiet ambjentali importanti oħra. Il-prodott finali jista’ jkun ekoloġiku ħafna iżda l-proċess li joħloq il-prodott ikun iniġġes ħafna. Jistgħu jiġu inklużi wkoll prattiki ħżiena fil-katina tal-provvista marbuta ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol ftit li xejn sani u bi prodotti dannużi;

nuqqas ta’ evidenza. Dikjarazzjoni ambjentali li ma tistax tiġi kkorroborata b’informazzjoni korrespondenti aċċessibbli faċilment jew b’ċertifikazzjoni affidabbli ta’ partijiet terzi;

impreċiżjoni: reklam li tant ikun definit b’mod fqir li s-sinifikat reali tiegħu probabbilment jiġi interpretat ħażin mill-konsumaturi;

tikketti “foloz” jew premjijiet li fil-fatt mhumiex.

4.5.

Għandhom jintużaw kriterji li jippermettu informazzjoni ġusta lill-konsumatur u jipprojbixxu użu ħażin tal-argument ekoloġiku fil-komunikazzjonijiet kummerċjali.

4.6.

L-introduzzjoni ta’ metodi Ewropej armonizzati, bħall-hekk imsejħa “impronta ambjentali”, li jippermettu li jkun hemm it-traċċabilità ambjentali tal-prodotti u l-organizzazzjonijiet, tista’ tkun mezz kif jiġi ċċarat il-funzjonament tas-suq. Ikun utli li dawn il-metodi jkunu bbażati fuq l-istandards internazzjonali li jintużaw b’mod mifrux, fosthom l-istandard internazzjonali ISO 14201 dwar l-allegazzjonijiet ambjentali awtoddikjarati jew il-Kodiċi tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ.

5.   L-allegazzjonijiet etiċi u soċjali

5.1.

Bl-istess mod bħall-allegazzjonijiet relatati mal-ambjent, nistgħu nitkellmu dwar tip ta’ “greenwashing” relatat mal-“kwalitajiet etiċi u soċjali” tal-intrapriżi u l-prodotti. F’dan il-każ, dan jirrigwarda t-trasformazzjoni tax-xiri ta’ prodott f’opportunità ta’ azzjoni karitatevoli jew solidali, ta’ natura soċjali, b’tali mod li ġġib magħha b’mod impliċitu benefiċċju għal gruppi jew komunitajiet li għandhom ħtieġa partikolari jew huma vulnerabbli.

5.2.

Illum ta’ spiss jiġu nnotati marki li huma assoċjati ma’ proġetti bi skopijiet soċjali permezz ta’ kampanji li normalment huma bbażati fuq il-promozzjoni tal-bejgħ. Dawn huma l-hekk imsejħa “charity promotions” – kampanji ta’ promozzjoni ta’ bejgħ imsieħba f’azzjoni soċjali – li, fid-dawl tal-kriżi ekonomika, għamlu ċertu suċċess. Meta dawn l-azzjonijiet jintużaw b’argumenti foloz sempliċiment sabiex ikun hemm bejgħ, dawn jistgħu jqarrqu jew iħawdu lill-konsumatur u dan huwa partikolarment ta’ ħsara.

5.3.

Dawn l-azzjonijiet jiffokaw fuq kampanji relatati mas-solidarjetà, l-għajnuna umanitarja, l-assistenza soċjali lil ċerti komunitajiet jew gruppi tal-popolazzjoni, kif ukoll l-appoġġ għal kawżi fuq perjodu qasir ta’żmien li jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, jew minn kwistjoni strutturali li tinvolvi diskriminazzjoni, segregazzjoni, inugwaljanza, eċċ.

5.4.

Jinħolqu każijiet oħra ta’ “social washing” jew “greenwashing soċjali” meta tiġi ppreżentata stampa soċjalment responsabbli tal-intrapriża li ma tkunx sostanzjata biżżejjed, jew meta karatteristika soċjali jew ta’ reklamar tiġi esaġerata bħala l-“impenn ewlieni” tal-intrapriża.

5.5.

L-allegazzjonijiet etiċi jew soċjali xi daqqiet jingħaqdu ma’ oħrajn ta’ natura ambjentali, iżda jiġu estiżi wkoll, b’konformità mat-tendenzi attwali, għal aspetti oħra bħall-impjieg, il-promozzjoni tal-ħajja lokali, il-parteċipazzjoni miċ-ċittadini jew kwalunkwe aspett ieħor li jqanqal fil-konsumatur ix-xewqa li jagħmel xiri marbut ma’ dawn l-allegazzjonijiet.

5.6.

Barra minn hekk, f’dan ir-rigward għandhom jitqiesu wkoll l-imġiba mistura tat-taparsi “konsulenti tal-affarijiet etiċi, soċjali u ambjentali”, li jwasslu għal żbalji u jħawdu lill-konsumaturi peress li jaġixxu fis-suq bħala operaturi ekonomiċi jew intermedjarji, u jabbużaw mill-bona fede u l-kredulità tal-konsumaturi, u li, xprunati mill-motivazzjoni tal-qligħ, jikkumerċjalizzaw prodotti jew servizzi bl-użu ta’ argumenti foloz.

5.7.

Il-miżuri ta’ natura finanzjarja huma partikolarment ta’ ħsara għall-funzjonament tas-suq intern li, bl-użu ta’ argumenti etiċi, soċjali jew ambjentali, għandhom l-għan li jikkumerċjalizzaw prodotti u strumenti finanzjarji mingħajr ma jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-solvenza u l-kontrolli superviżorji li jridu jikkonformaw magħhom l-istituzzjonijiet finanzjarji. L-Awtorità Bankarja Ewropea reċentement adottat opinjoni li tipproponi għadd ta’ miżuri biex jitnaqqsu r-riskji u stabbilixxiet rekwiżiti ta’ reklamar u rakkomandazzjonijiet biex il-parteċipanti jiġu protetti mill-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interess.

5.8.

Għandu jiġi evitat is-“social washing” jew l-użu ta’ informazzjoni falza bil-għan li tingħata immaġni soċjalment impenjata.

6.   L-allegazzjonijiet tas-saħħa u ta’ tip ieħor

6.1.

It-tħassib reċenti tal-konsumaturi dwar l-istili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa kif ukoll il-fatt li t-teknoloġija ġiet estiża għas-setturi tal-produzzjoni tal-ikel, tal-kosmetiċi u prodotti oħrajn relatati mas-saħħa jwasslu wkoll biex jintużaw allegazzjonijiet tas-saħħa kemm jekk relatati mal-ikel u n-nutrizzjoni, ir-riżultati djetetiċi u estetiċi miksubin, jew saħansitra t-titjib tal-funzjonijiet konjittivi u funzjonali.

6.2.

Flimkien mal-allegazzjonijiet ambjentali, iż-żieda fit-tħassib tal-konsumaturi dwar ikel bnin tagħti wkoll l-opportunità sabiex jiġu proposti allegazzjonijiet relatati mal-agrikoltura bijoloġika u organika, jew ukoll fir-rigward tal-preżenza jew in-nuqqas ta’ komponenti fl-ikel bħall-vitamini, l-aċidi xaħmin tal-Omega-3, iz-zokkor, il-melħ jew l-alkoħol u anke s-sustanzi transġeniċi.

6.3.

It-tixjiħ gradwali tal-popolazzjoni kif ukoll iż-żieda fl-għomor tal-ħajja jirrappreżentaw qasam propizju għall-użu iżjed mifrux ta’ allegazzjonijiet illeċiti.

6.4.

Bl-istess mod, il-marketing dwar is-saħħa, li juża dawn it-tipi ta’ dikjarazzjonijiet bħala valur miżjud għal kummerċjalizzazzjoni aktar effikaċi tal-prodotti, bħalma jiġri f’setturi bħal dak tas-supplementi tal-ikel jew tal-prodotti mill-pjanti, iżda wkoll għall-prodotti b’konsum għoli, jagħti wkoll lok għall-użu abbużiv tal-allegati vantaġġi relatati mas-saħħa moħbija wara argumenti psewdoxjentifiċi.

7.   Kummenti speċifiċi

7.1.

Jeħtieġ jitqies li l-għażliet li jirrappreżentaw kemm it-tikkettar volontarju bħad-disinn ta’ logos u simboli bl-istampi joħolqu assoċjazzjonijiet vagi fil-proċessi konjittivi u emozzjonali li jwasslu lill-konsumaturi sabiex jieħdu d-deċiżjoni li jixtru. Il-messaġġi u l-istampi m’għandhomx jintużaw biex jesprimu b’mod ċar u qawwi dikjarazzjonijiet li ma tistax tingħata prova tagħhom lil hinn minn kull dubju. Ikun utli li jittieħdu azzjonijiet speċifiċi biex jiġu ssorveljati l-allegazzjonijiet.

7.2.

Madankollu, il-monitoraġġ tal-allegazzjonijiet għandu jsir b’konformità mat-tip ta’ mezzi użat, peress li kull wieħed jippreżenta karatteristiċi speċifiċi. Fil-qosor, l-allegazzjonijiet jistgħu, b’mod sistematiku, isiru permezz ta’ dan li ġej:

testi;

messaġġi u slogans;

logos;

simboli u sinjali;

pittogrammi;

stampi u ritratti;

grafika u informazzjoni;

firxa ta’ kuluri;

uċuħ u ismijiet ta’ persuni u istituzzjonijiet tal-midja prestiġjużi.

7.3.

Jekk isiru affermazzjonijiet li mhumiex dimostrabbli u jaqdu skopijiet kummerċjali, jista’ jintalab li tali affermazzjonijiet ma jsirux jew li l-informazzjoni tingħata b’mod korrett.

7.4.

Għaldaqstant, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex, fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004, jadottaw il-miżuri xierqa permezz tal-kooperazzjoni amministrattiva u, b’mod partikolari, permezz tal-promozzjoni tal-attivitajiet komuni sabiex jinqered l-użu frodulenti ta’ allegazzjonijiet etiċi, ambjentali jew tas-saħħa inkorretti, u dan permezz ta’ kollaborazzjoni mill-qrib maċ-ċentri Ewropej tal-konsumatur li jaqdu rwol importanti ħafna f’dawn it-tipi ta’ sitwazzjonijiet.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

(2)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21.

(3)  ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

(4)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(5)  COM(2002) 347 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  COM(2015) 192 final

(7)  SEC(2009) 1666 final (mhux disponibbli bil-Malti). Ara l-punt 2.5.1.


17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-isport u l-valuri Ewropej”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 383/03)

Relatur:

is-Sur Bernardo HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar l-10 ta’ Lulju 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-isport u l-valuri Ewropej

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Ġunju 2015.

Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tat-2 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’99 vot favur, 59 vot kontra u 32 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-isport jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni, billi huwa jenfasizza l-valuri pedogaġiċi u kulturali fundamentali u huwa mezz ta’ integrazzjoni ladarba huwa jindirizza liċ-ċittadini kollha, indipendentement mis-sess, l-oriġini etnika, ir-reliġjon, l-età, in-nazzjonalità u l-kundizzjoni soċjali jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. L-isport huwa strument li jservi sabiex jiġu miġġielda l-intolleranza, il-ksenofobija u r-razziżmu.

1.2.

L-attivitajiet sportivi jippermettu lil kull persuna tidderieġi t-tamiet tagħha b’mod kostruttiv, u li tiġi arrikkita bil-valuri li jagħti l-isport bħall-isforz, is-solidarjetà u l-koeżjoni. Attivitajiet bħal dawn iġibu wkoll il-benessri fiżiku u intellettwali filwaqt li jgħinu jtaffu l-problemi soċjali billi jipprovdu valuri pożittivi. F’dan ir-rigward huwa meqjus importanti li fid-diskussjoni jiġi indirizzat ukoll l-istabbiliment ta’ għadd ta’ standards minimi universali li jippromovu l-integrità tal-prattika tal-isport mit-tfal u ż-żgħażagħ fl-ispeċjalitajiet sportivi kolha.

1.3.

Il-volontarjat fil-qasam tal-isport għandu rwol ewlieni x’jaqdi fl-iżvilupp tal-isport bażiku u fil-klabbs, u dan jinvolvi valur sinifikanti minn perspettiva soċjali, ekonomika u demokratika; għalhekk, għandhom jiġu promossi l-volontarjat u ċ-ċittadinanza attiva permezz tal-isport, inkluż l-isport tax-xitwa.

1.4.

Il-prinċipju ta’ governanza u ġestjoni tajba għandhom jiżguraw l-integrità fil-kompetizzjonijiet sportivi. Fl-isport, l-awtonomija hija kundizzjoni għall-organizzazzjonijiet sportivi li għandhom jaġixxu skont il-prinċipji tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-demokrazija. Abbażi ta’ dan, il-partijiet interessati kollha għandhom ikunu rappreżentati b’mod adegwat fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Sabiex jiġi kkonsolidat dan il-qafas ta’ prevenzjoni ġenerali, u kif juri studju eżawrjenti li twettaq dan l-aħħar (1), huwa fundamentali li tissaħħaħ il-fiduċja bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet sportivi sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju meħtieġ ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet legali nazzjonali u l-istituzzjonijiet sportivi internazzjonali.

1.5.

Fir-rigward tal-innovazzjoni, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, f’kuntest Ewropew, ixerrdu l-informazzjoni u jaqsmu bejniethom informazzjoni dwar esperjenzi pożittivi u dwar l-aħjar prattiki marbutin mal-modi kif jistgħu jinħolqu u jiġu appoġġjati l-assoċjazzjonijiet strateġiċi bejn il-partijiet interessati ewlenin fis-setturi differenti bil-għan li jissaħħaħ ir-rwol tal-isport bħala mutur tal-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku. F’dan il-kuntest huwa importanti ħafna li wieħed ikun jaf jaħsad il-benefiċċji li l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi kbar tista’ u għandha tagħti lir-reġjuni u l-bliet fejn dawn iseħħu; iqis li l-Kummissjoni għandha toqgħod attenta għall-inizjattivi u l-metodoloġiji ġodda li qegħdin joħorġu fil-livell globali li għandhom l-għan li jgħinu lir-reġjuni u lill-bliet jimplimentaw proġetti sportivi li jippromovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli.

1.6.

Fil-livell differenti għandu jiġi promoss l-użu tal-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE sabiex jiġi żviluppat is-settur tal-isport.

1.7.

Fil-livell Ewropew għandhom jiġu promossi l-koeżjoni soċjali, il-miżuri għall-inklużjoni tal-gruppi żvantaġġati fl-attivitajiet sportivi u l-integrazzjoni soċjali tal-persuni, inklużi dawk imċaħħda mil-libertà, sabiex ikunu jistgħu jsibu fl-isport għodda għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà, peress li dan iwassal għall-benessri emozzjonali, u jipprovdi stabbiltà permezz tal-valuri tiegħu ta’ sforz, solidarjetà u, fl-aħħar mill-aħħar, il-fair play, li jistgħu jgħinu biex jinqerdu għalkollox l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni.

1.8.

Il-kompitu tal-UE fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza huwa rilevanti sabiex jitneħħew l-ostakli li jimpedixxu lill-persuni b’diżabilità milli jieħdu sehem fl-isport, tiġi promossal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kompetizzjonijiet u tinqered kull forma ta’ preġudizzju soċjali f’dan ir-rigward. Għalhekk ikun utli li l-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill tal-Ministri jfassal “Kodiċi Ewropew ta’ prattiki tajba dwar l-isport u l-inklużjoni soċjali” sabiex tiġi promossa u titħeġġeġ aktar il-prattika tal-isport fost il-persuni b’diżabbiltà.

1.9.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali mill-UE u l-Istati Membri għall-promozzjoni tal-isport u l-attività fiżika fost l-anzjani. F’Ewropa b’popolazzjoni li kulma jmur qiegħda dejjem tixjieħ, huwa importanti ħafna li jitnedew inizjattivi u finanzjament immirati għal dan l-għan.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fil-qafas tal-proċess ta’ integrazzjoni, it-Trattat ta’ Lisbona jipprevedi ċerti valuri li huma komuni għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Dawn il-valuri supremi huma d-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-minoranzi.

It-Trattat ta’ Lisbona jagħti lill-UE s-setgħat biex tippromovi l-aspetti Ewropej tal-isport (Artikolu 165 tat-TFUE). Hemm bżonn li d-dimensjonijiet differenti tal-isport – soċjali, ekonomiċi u kulturali – jiġu indirizzati mil-lat ta’ kif dawn jorbtu mal-valuri mnaqqxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, li jipprevedu impenn ċar min-naħa tal-istituzzjonijiet u l-Istati Membri biex, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jaġixxu bil-għan li jippromovu politiki, standards u miżuri biex jiżviluppaw l-aspetti Ewropej tal-isport.

2.2.

L-għan ta’ din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li tipprova xxerred il-potenzjal tal-valuri Ewropej u l-valuri tal-isport, inkluż l-isport tax-xitwa, għaċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet soċjali kollha, u tippromovi politika tal-isport tal-Unjoni, minħabba li s’issa d-deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar dan is-suġġett kienu sporadiċi, u normalment marbuta mal-eżerċitar tal-libertajiet ekonomiċi.

2.3.

Fl-antik, il-filosofija Griega klassika diġà kienet tiddistingwixxi bejn l-attività tal-ġisem u tal-moħħ, l-ispirtu “Olimpiku” jkun l-iżvilupp ta’ dawn l-ideat li fosthom, b’mod fundamentali, kien hemm l-etika u l-promozzjoni tal-paċi.

Il-kontribut tal-isport għall-għanijiet Ewropej u dinjija tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa importanti, minħabba l-kontribut sinifikanti li dan is-settur jista’ jagħmel għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

3.   Il-funzjoni soċjali tal-isport

3.1.

Sabiex tiġi garantita l-funzjoni soċjali tal-isport, l-Istati Membri għandu jkollhom infrastrutturi adegwati li jiffaċilitaw il-prattika tal-isport, filwaqt li fit-territorji rispettivi tagħhom għandu jkun hemm netwerk bażiku, adegwat, suffiċjenti u bilanċjat ta’ faċilitajiet sportivi u tagħmir sportiv.

3.2.

Il-volontarjat qed ikompli jkun il-pedament tal-isport fl-Ewropa, peress li huma l-voluntiera li jippermettu l-iżvilupp u t-tixrid tal-ideali sportivi, flimkien mal-organizzazzjonijiet sportivi mingħajr skop ta’ qligħ. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat ir-rwol li jaqdu l-iskejjel fit-tixrid tal-valuri Olimpiċi, peress li dawn jippromovu l-paċi u l-armonija fl-isport, waqt li jippreżervaw il-koeżistenza u l-integrazzjoni f’soċjetà demokratika u pluralista, kif ukoll il-valuri umani li huma identifikati bl-isport u li huma involuti fil-qerda tal-vjolenza, ir-razziżmu, l-intolleranza u l-ksenofobija fl-isport.

3.2.1.

Hemm bżonn li l-organizzazzjonijiet sportivi japplikaw il-prinċipji tal-governanza tajba. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-demokrazija. Barra minn hekk, huma għandhom jirrappreżentaw il-partijiet interessati kollha fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inklużi s-sapporters li, b’mod ġenerali, jippromovu l-prinċipji tal-fair play. Għandu jkun hemm riflessjoni dwar il-possibbiltà li jiġu imposti rekwiżiti ta’ trasparenza aktar stretti meta l-attivitajiet ikunu ffinanzjati bi flejjes pubbliċi.

3.2.2.

Il-KESE jikkunsidra li għandha titqies il-possibbiltà li tittieħed azzjoni koordinata kontra dawn il-fenomeni mhux mixtieqa – bħall-korruzzjoni fir-riżultati sportivi, id-doping jew il-vjolenza – abbażi mhux biss tal-kompetenzi tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikoli 6 u 165 tat-TFUE, iżda wkoll dawk li jirrigwardaw l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u kwalunkwe kompetenza oħra li tista’ tkun meħtieġa sabiex jiġu adottati miżuri sovranazzjonali li jista’ jkollhom effett dissważiv reali.

3.2.3.

Dawn il-miżuri għandu jkollhom l-għan li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà. Huma jistgħu, pereżempju, jinkludu miżuri mmirati lejn l-iżgurar ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija (Europol) u dawk ġudizzjarji (Eurojust) u awtoritajiet kompetenti oħra, li fosthom għandu jkun hemm il-federazzjonijiet sportivi.

3.3.

Il-promozzjoni tal-attività fiżika u l-prattika tal-isport hija fattur determinanti biex tiġi protetta s-saħħa pubblika f’soċjetà moderna. Ta’ min jinnota li l-prattika tal-isport tippromovi stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja, b’tali mod li jiġu sfruttati bis-sħiħ l-opportunitajiet tal-isport u b’hekk jitnaqqas l-infiq fis-settur tas-saħħa.

3.4.

L-azzjoni istituzzjonali tal-UE b’rabta mal-isport ingħatat spinta sinifikanti permezz tad-dibattitu pubbliku dwar l-hekk imsejħa “dimensjoni Ewropea tal-isport”, l-inklużjoni tal-isport fil-programm Erasmus+ u l-azzjonijiet strateġiċi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport, fost oħrajn. Kull sena jiġu diskussi l-prijoritajiet ta’ dan il-programm, u għalhekk il-KESE jappella li għall-valutazzjoni li jmiss jitqiesu l-kummenti mniżżlin f’din l-Opinjoni.

3.4.1.

Din l-azzjoni istituzzjonali għandha tissaħħaħ billi jiġu adottati l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-valur miżjud u l-aspetti pożittivi tal-isport indiġenu, tradizzjonali u li jkollu għeruq profondi fil-livell lokali bħala prova tad-diversità kulturali u storika tal-Unjoni, liema diversità għandha tiġi promossa u tinxtered.

3.4.2.

Abbażi tal-programm Erasmus + imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni għandha tipprovdi valutazzjoni ċara tal-impatt tal-inklużjoni tal-isport f’dan il-programm, speċjalment fir-rigward tal-kisba tal-objettivi dwar ħiliet u impjiegi ġodda u ż-żgħażagħ.

3.5.

Sabiex jiġi żgurat li l-isport jikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni u l-iżvilupp tal-valuri Ewropej, huwa meħtieġ li jiġu adottati u implimentati miżuri li jikkoordinaw, jikkomplementaw jew jappoġġjaw, maħsuba biex jipproteġu dawn il-valuri Ewropej, speċjalment dawk immirati lejn il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem, kif ukoll xi aspetti tal-edukazzjoni tal-persuni li l-integrazzjoni ġusta tagħhom hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tad-demokrazija u l-istat tad-dritt. Dan l-approċċ jista’ jissaħħaħ permezz tal-messaġġ ta’ “fair play” li jagħti l-isport, li jittrasmetti parti kbira mill-valuri Ewropej lis-soċjetà.

Daqstant importanti hija d-dimensjoni Ewropea tal-isport biex tgħin jintlaħqu wħud mill-punti ta’ riferiment għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Pass importanti jkun il-ħolqien u l-użu ta’ materjal edukattiv għat-taħriġ tal-mexxejja tal-isports kif ukoll tal-ġenituri bil-għan li jitnaqqsu l-isterjotipi tas-sessi u tiġi promossal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-isport, kif ukoll biex jiġi promoss bilanċ dejjem akbar fir-rappreżentanza taż-żewġ sessi fuq il-bordijiet tad-diretturi u l-kumitati sportivi. F’dan il-kuntest jitqies bħala pass rilevanti ħafna t-tfassil ta’ karta tal-aħjar prattiki fl-iżvilupp taż-żgħażagħ u l-protezzjoni fl-isport (2).

3.6.

Il-prattika tal-isport, individwalment u kollettivament, tista’ tkun sors leġittimu għall-ħolqien tal-impjiegi, il-ġid u l-benessri. L-użu tajjeb tal-isport għandu rwol importanti ħafna x’jaqdi llum jekk irridu niġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-esklużjoni soċjali. B’mod partikolari, għandha tissemma s-sitwazzjoni tal-atleti li jibdew karriera oħra, wara li jkunu abbandunaw l-isport kompetittiv ta’ livell għoli u li jeħtieġu jippreparaw ruħhom b’mod speċifiku għal dan l-istadju ta’ ħajjithom (karriera doppja). Għall-iżvilupp xieraq ta’ dawn iż-żgħażagħ jinħtieġu r-rikonoxximent u l-ekwivalenza tad-diplomi u l-kwalifiki fl-isport. Dan l-aħħar estrem huwa importanti sabiex isir tentattiv biex tintemm l-ekonomija moħbija li tista’ teżisti f’dan is-settur u din tiġi legalizzata fil-futur.

3.6.1.

Ikun utli li tittieħed deċiżjoni dwar kif jistgħu jintużaw il-mekkaniżmi finanzjarji Ewropej sabiex l-isport jiġi promoss bħala għodda li jħeġġeġ l-integrazzjoni soċjali u l-impjieg taż-żgħażagħ, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-innovazzjoni, il-ħolqien ta’ netwerks ta’ organizzazzjonijiet li jiddefendu l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà u għanijiet oħra ta’ interess pubbliku.

Sabiex tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali u bħala mezz ta’ integrazzjoni mill-ġdid, l-isport huwa mezz xieraq li jqarreb lill-persuni lejn valuri li jsaħħu l-iżvilupp personali u soċjali, b’impatt fuq is-saħħa u l-edukazzjoni tagħhom. Fil-livell Ewropew għandhom jiġu promossi l-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni soċjali tal-persuni, inklużi dawk tal-persuni mċaħħda mil-libertà, li jistgħu jsibu fl-isport strument għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà, peress li jagħtihom benessri emozzjonali u jipprovdi sors ta’ koeżjoni u stabbiltà permezz tal-valuri tiegħu ta’ sforz, solidarjetà u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-fair play.

3.6.2.

Għandu jinħoloq netwerk ta’ organizzazzjonijiet li jiddefendu l-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà permezz tal-isport, speċjalment dak li jintlagħab b’mod wiesa’, b’tali mod li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki bbażati fuq il-valuri Ewropej imħaddna fit-Trattati, bl-organizzazzjoni ta’ Kungress Ewropew ta’ prattiki innovattivi ta’ integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà permezz tal-isport, ta’ kompetizzjonijiet fil-livell tal-Unjoni Ewropea u l-pubblikazzjoni u t-tixrid tar-riżultati ta’ tali netwerks.

3.7.

Wieħed mill-kompiti istituzzjonali tal-Unjoni assoċjati mal-ġlieda kontra l-inugwaljanza huwait-tneħħija tal-ostakli li jimpedixxu lill-persuni b’diżabilità milli jieħdu sehem fl-isport, il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom f’kompetizzjonijiet u l-qerda ta’ kull forma ta’ preġudizzju soċjali f’dan ir-rigward.

Ikun pass pożittiv kieku l-Kummissjoni kellha tipproponi li l-Kunsill tal-Ministri jfassal “Kodiċi Ewropew ta’ prattiki tajba dwar l-isport u l-inklużjoni soċjali”.

3.7.1.

L-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità għandha tiġi promossa permezz ta’ avvenimenti sportivi bil-għan li titjieb il-kwalità tal-ħajja u jiġu żviluppati l-abitudnijiet soċjali tal-persuni b’diżabilità u tal-familji tagħhom. Għal din ir-raġuni, l-isport mhux biss huwa abitudni b’saħħitha iżda wkoll itejjeb u jsaħħaħ il-mobilità ta’ dawn il-persuni u jippermettilhom jiżviluppaw l-abbiltà tagħhom li jieħdu d-deċiżjonijiet u jrawmu ħbiberiji u jaħdmu fi gruppi.

3.7.2.

Sabiex jiġi promoss l-isport paraolimpiku jew ta’ livell għoli għall-persuni b’diżabilità u b’hekk jiżdied il-livell ta’ għarfien fost iċ-ċittadini, hemm bżonn li l-awtoritajiet pubbliċi jimplimentaw strateġija ta’ komunikazzjoni fid-dawl tal-Logħob Paraolimpiku u avvenimenti internazzjonali oħra ta’ livell għoli, billi jintużaw il-mezzi u l-professjonisti meħtieġa, li jwasslu għal kopertura televiżiva ta’ kwalità għolja tal-Logħob Paraolimpiku, li tfisser numru sostanzjali ta’ sigħat ta’ xandir fl-aktar ħinijiet li matulhom ikun hemm udjenza.

3.7.3.

Id-dispożizzjonijiet li jadattaw il-qafas leġislattiv nazzjonali għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità jsegwu l-istess għanijiet u jistabbilixxu l-“aċċessibbiltà u d-disinn għal kulħadd” bħala l-għodod li għandhom jintużaw saiex jinbidlu u jinħolqu ambjenti li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini.

3.7.4.

Peress li wieħed mill-ostakli identifikati b’mod sistematiku meta jkunu qegħdin jiġu żviluppati programmi għall-promozzjoni tal-inklużjoni tal-persuni aktar anzjani u l-persuni b’diżabilità f’attività fiżika sportiva huwa n-nuqqas ta’ taħriġ li għandhom id-diversi atturi involuti fil-proċess, huwa rakkomandat li jiġi pprovdut il-materjal meħtieġ sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ taħriġ tal-għalliema tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel primarji u sekondarji u tal-coaches tal-isport sabiex jiżviluppaw attivitajiet sportivi f’ambjent inklużiv.

3.8.

Il-proċess apparentament irriversibbli tat-tixjiħ tas-soċjetà Ewropea, akkumpanjat minn żieda kostanti fl-għomor tal-ħajja, jagħmilha indispensabbli li jiġu żviluppati inizjattivi u programmi mmirati għall-promozzjoni tal-isport u l-eżerċizzju fiżiku fost l-anzjani. Dan huwa qasam li intesa, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, u jeħtieġ attenzjoni speċjali, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri.

4.   In-natura ekonomika tal-attività sportiva

4.1.

L-isport għandu dimensjoni ekonomika bbażata fuq l-attivitajiet ekonomiċi tal-prattika tal-isport u tal-professjoni, li jaffettwaw is-suq intern. L-isport għandu wkoll dimensjoni speċifika, abbażi ta’ strutturi msejsa fuq il-volontarjat u l-funzjonijiet soċjali, edukattivi u kulturali tiegħu, b’kontribut sinifikanti għall-valuri pożittivi bħall-ispirtu sportiv, ir-rispett u l-inklużjoni soċjali.

Għalhekk, trid issir distinzjoni bejn l-interessi sportivi u dawk kummerċjali, u l-KESE jemmen li l-isport għandu jkun protett minn influwenza eċċessiva tal-ekonomija sabiex jippredominaw il-prinċipji u l-valuri tal-isport.

4.1.1.

Din il-karatteristika speċifika tal-isport, minħabba l-aspetti uniċi u essenzjali tagħha, għandha titqies b’mod partikolari meta tiġi applikata l-leġislazzjoni tal-UE, fil-każijiet fejn l-UE tista’ taġixxi b’mod aktar effettiv mill-Istati Membri u waqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

4.2.

Fir-rigward tad-dimensjoni ekonomika tal-isport, għandha titqies ir-rabta speċjali bejn l-attivitajiet sportivi u d-drittijiet fundamentali.

4.2.1.

Għalhekk, sabiex tiġi żgurata protezzjoni xierqa kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u, b’mod partikolari, kontra l-piraterija diġitali, li jpoġġu f’riskju l-ekonomija tal-isport, għandha tingħata konsiderazzjoni lill-miżuri li għandhom jiġu adottati, abbażi tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Fi kwalunkwe każ għandu jkollhom preċedenza d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini li jirċievu l-informazzjoni sabiex għall-inqas jiġu garantiti d-dritt tal-pubbliku li jikseb u jirċievi l-aħbarijiet, it-tixrid tal-avvenimenti importanti ħafna u d-dritt tal-ġurnalisti li jinfurmaw.

4.2.2.

Jeżistu oqsma oħra bħall-politika tal-kompetizzjoni, speċifikament l-għajnuna mill-Istat, fejn tkun idea tajba li jiġu adottati linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat bil-għan li tiġi ċċarata liema għajnuna hija meqjusa leġittima sabiex jinkisbu l-għanijiet soċjali, kulturali u edukattivi tal-isport.

4.2.3.

L-imħatri sportivi onlajn fi swieq mhux regolati, speċjalment l-imħatri illegali, jirrappreżentaw waħda mit-theddidiet ewlenin għall-isport. L-effetti negattivi tagħhom huma komparabbli ma’ dawk tad-doping u l-vjolenza tal-ispettaturi u jistgħu jwasslu għat-tbagħbis minħabba n-natura inċerta tal-kompetizzjonijiet sportivi. Fir-rigward ta’ aspetti oħra, bħalma huma l-imħatri u l-logħob tal-azzard, hemm bżonn li jiġu adottati miżuri ta’ interess ġenerali biex jiġi evitat il-vizzju tal-logħob tal-azzard u jiġu protetti l-minorenni, speċjalment kontra l-logħob tal-azzard onlajn.

4.2.4.

L-isport għandu inċentiv intrinsiku u inerenti li jimbotta lill-parteċipanti sabiex kontinwament itejbu l-prestazzjoni tagħhom u jfittxu l-eċċellenza. Dan iwassal biex is-settur tal-isport ikun ikkaratterizzat minn innovazzjoni kontinwa li għamlet lit-teknoloġija tal-isport settur sinifikanti fi ħdan ix-“xjenzi applikati”, bħat-teknoloġija tat-tessuti, il-mekkanika taċ-ċaqliq uman, il-materjali ġodda, is-sensuri, l-azzjonaturi u d-disinn orjentat lejn il-bniedem b’mod partikolari. Il-bini u l-operat ta’ faċilitajiet sportivi kif ukoll il-parteċipazzjoni u l-attendenza f’avvenimenti sportivi qed isiru parti importanti mill-ekonomija tal-esperjenzi, li l-iżvilupp tat-turiżmu tal-isports huwa wkoll eżempju tagħha.

4.2.5.

Temi oħra relatati ekonomikament mal-isport, bħall-moviment liberu tal-persuni u servizzi, il-ftehimiet ta’ sponsorizzazzjoni, ir-regolazzjoni tal-attivitajiet tal-aġenti tal-plejers, l-assigurazzjoni tal-isport u tas-saħħa, il-programmi edukattivi għall-isportivi nisa u rġiel u l-kwalifiki professjonali marbuta mal-isport, għandhom jiġu evalwati u, jekk ikun hemm bżonn, il-Kummissjoni għandha tadotta jew tipproponi miżuri.

4.2.6.

Fir-rigward tat-taħriġ vokazzjonali tal-coaches żgħar fl-età, jeħtieġ li jitjiebu r-regoli fl-Istati Membri differenti tal-UE, waqt li jitqies li l-attività ta’ coach tista’ titqabbel ma’ dik ta’ għalliem u li, f’xi każijiet (pereżempju, bi tħejjija għall-kompetizzjonijiet sportivi), il-coach iqatta’ ħafna aktar ħin ma’ żgħażagħ sportivi milli l-għalliem mal-istudenti tiegħu. It-taħriġ tal-coaches għandu jitwettaq f’kuntest formali u jiġi rikonoxxut fil-livell tat-tagħlim b’diploma maħruġa mill-Istat.

4.2.7.

Il-KESE jitlob li l-federazzjonijiet sportivi Ewropej jiġu involuti fil-protezzjoni tal-valuri u l-prinċipji li jinsabu f’din l-Opinjoni, u jispera li l-prestazzjoni tagħhom fl-oqsma kollha ssir abbażi tal-istess valuri u prinċipji, fi kwalunkwe każ, anke fl-attivitajiet li jikkonsistu biss fl-għoti ta’ premjijiet u rikonoxximenti pubbliċi.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  “Protecting the Integrity of Sport Competition The Last Bet for Modern Sport”, pp. 120-124, Università ta’ Pariġi 1 Panteon-Sorbonne u ċ-Ċentru Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Isport (ICSS), Mejju 2014.

(2)  Din kienet waħda mill-konklużjonijiet prinċipali tas-Summit interreġjonali dwar il-politika tal-isport (Lisbona, 16 u 17 ta’ Marzu 2015), li laqqa’ flimkien il-maġġoranza tal-partijiet interessati globali prinċipali fid-definizzjoni ta’ politiki dwar l-isport.


17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-ħżin tal-enerġija: fattur tal-integrazzjoni u tas-sigurtà tal-enerġija

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 383/04)

Relatur:

is-Sur Pierre-Jean COULON

Nhar it-22 ta’ Jannar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-ħżin tal-enerġija: fattur tal-integrazzjoni u tas-sigurtà tal-enerġija.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Ġunju 2015.

Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tal-1 ta’ Lulju 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’unanimità (131 vot favur).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jitlob li l-miri tal-klima u l-enerġija tal-Unjoni Ewropea jwasslu għal sehem ikbar tal-enerġiji rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija. Il-Kumitat, b’mod konsistenti, dejjem appoġġja l-enerġiji rinnovabbli; sistema tal-enerġija sostenibbli magħmulha fil-biċċa l-kbira tagħha mill-enerġija rinnovabbli hija l-uniku soluzzjoni fit-tul għall-ġejjieni tagħna fil-qasam tal-enerġija. Il-Kumitat jinnota kemm hu importanti li jiżdiedu elementi oħra fis-sistema tal-enerġija.

1.2.

L-enerġiji rinnovabbli huma irregolari għalhekk kemm huma kif ukoll l-iżvilupp tagħhom huma sfida kbira f’termini ta’ ħżin. Il-ħżin huwa wkoll kwistjoni strateġika għall-Unjoni Ewropea biex b’mod permanenti tkun tista’ tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni u suq tal-enerġija vijabbli, u dan kemm mil-lat teknoloġiku kif ukoll mil-lat ta’ spiża. Din il-kwistjoni għalhekk għandha post prominenti fl-aġenda Ewropea u hija prijorità, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Unjoni tal-Enerġija li tnediet fi Frar 2015.

1.3.

F’opinjoni preċedenti tiegħu, il-KESE enfasizza l-kwistjoni tal-ħżin bħala “sfida, opportunità u neċessità assoluta.” Fiha jenfasizza l-importanza li tirnexxi t-tranżizzjoni tal-enerġija fl-UE, u jitlob li jiġu implimentati l-mezzi kollha sabiex jinkisbu riżultati konkreti u fuq skala kbira għall-ħżin tal-enerġija.

1.4.

Il-KESE jirrikonoxxi li fejn jidħol ħżin jeżistu bosta soluzzjonijiet, u t-teknoloġiji jinsabu fi stadji ta’ żvilupp teknoloġiku u industrijali differenti.

1.5.

Il-KESE ifakkar li l-ħżin tal-enerġija, flimkien mal-vantaġġi tiegħu, jista’ jkun ukoll spiża kbira mil-lat finanzjarju, ambjentali u sanitarju. Għalhekk jitlob li jsiru studji tal-impatt li b’mod sistematiku jivvalutaw il-kompetittività tat-teknoloġiji kif ukoll l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u s-saħħa. Il-KESE iqis importanti wkoll li jiġu vvalutati l-effetti ta’ dawn it-teknoloġiji fl-oqsma tal-ħolqien tal-attivitajiet u l-impjiegi.

1.6.

Il-KESE jitlob li jiżdiedu l-investimenti u r-riċerka u l-iżvilupp dwar il-ħżin tal-enerġija u jitlob ukoll għal aktar sinerġija Ewropea f’dan il-qasam, sabiex jonqsu l-ispejjeż tat-tranżizzjoni tal-enerġija, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista kif ukoll għall-ġid tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. Il-KESE jappoġġja l-bżonn ta’ armonizzazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri f’termini ta’ ħżin tal-enerġija.

1.7.

Il-KESE jappella wkoll għal djalogu pubbliku dwar l-enerġija fl-Ewropa kollha – id-djalogu Ewropew dwar l-Enerġija – biex iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili kollha jħaddnu it-tranżizzjoni tal-enerġija u jkunu jistgħu jinfluwenzaw l-għażliet futuri relatati mat-teknoloġiji tal-ħżin tagħha.

1.8.

Il-KESE jfakkar fl-importanza tal-gass fit-taħlita tal-enerġija u l-importanza li għandha għas-sigurtà tal-enerġija għaċ-ċittadini. Il-KESE jitlob li l-ħżin jitħeġġeġ f’dan is-settur b’mod li l-Istati Membri kollha, b’mod solidari, jista’ jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom ir-riżervi.

2.   Nirnexxu fit-tranżizzjoni tal-enerġija u niżugraw is-sigurtà tal-enerġija

2.1.

Il-provvista u l-ġestjoni tal-enerġija huma prijorità politika u soċjoekonomika prinċipali kif ukoll element kruċjali sabiex tkun tista’ tirnexxi t-tranżizzjoni tal-enerġija u jiġu indirizzati l-isfidi tal-klima. Għalkemm id-domanda għall-enerġija fi ħdan l-UE qiegħda tonqos (il-konsum tal-enerġija beda jonqos fl-2006 u llum nikkunsmaw bejn wieħed u ieħor l-istess ammont ta’ enerġija li konna nikkunsmaw fid-disgħinijiet), l-installazzjoni dejjem tikber ta’ sorsi rinnovabbli intermittenti żiedet il-bżonn tal-ħżin tal-enerġija, li ser jaqdi rwol esssenzjali f’ħafna setturi (kumpens għall-varjabbiltà, karozzi elettriċi, id-difiża, eċċ.) u ser jikkostitwixxi kwistjoni strateġika għall-Ewropa u l-industrija tagħha. Għandu jiġi nnotat li l-kwistjoni tal-ħżin tal-enerġiji rinnovabbli hija wkoll wieħed argument ewlieni tal-opponenti ta’ dawn l-enerġiji.

2.2.

Filwaqt li l-maġġoranza tal-enerġija primarja (il-gass, iż-żejt mhux maħdum jew il-faħam) tinħażen faċilment, għad hemm mistoqsijiet rigward id-daqs, il-prezz u l-post tal-installazzjonijiet strateġiċi ta’ ħżin. Is-sors kbir l-ieħor ta’ enerġija primarja, l-enerġiji rinnovabbli, ivarjaw bejniethom f’termini ta’ ħżin. L-enerġija idrawlika tista’ ta’ spiss tinkiseb mill-ilma maħżun fil-lagi u l-ġibjuni. Filwaqt li l-bijomassa tista’ tinħażen b’mod relattivament faċli, għalissal-ħżin tal-enerġija solari u tar-riħ, li ħafna drabi tintuża għall-produzzjoni tal-elettriku, jista’ jsir biss permezz ta’ proċess intermedjarju, kumpless u għali.

3.   Prijorità għall-Ewropa

3.1.

Il-Kummissjoni Ewropea analizzat il-possibbiltajiet tad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija u fl-2011 ippubblikat Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 li jressaq bosta xenarji għall-2050. Sabiex jintlaħqu s-suppożizzjonijet dwar id-dekarbonizzazzjoni, is-settur tal-elettriku jrid jiddependi minn ammont kbir ta’ enerġiji rinnovabbli, bejn 59 % u 85 % u ħafna minnhom ikunu ġejjin minn enerġija rinnovabbli varjabbli. F’Komunikazzjoni sussegwenti tal-2014 – “Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perijodu ta’ bejn l-2020 u l-2030” – ġiet konfermata t-triq lejn id-dekarbonizzazzjoni u ġie indikat li s-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kien kważi 45 % tal-ġenerazzjoni tal-enerġija fl-2030. Dan jikkonforma mal-miri li qablu dwarhom il-mexxejja tal-UE fit-23 ta’ Ottubru 2014 fil-kuntest tal-qafas ta’ politika għall-2030. Is-sehem sinifikanti tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli fis-sistema tal-elettriku teħtieġ għexieren, anke mijiet, ta’ gigawatts ta’ kapaċità ta’ ħażna fin-netwerk tal-elettriku, anki meta jintużaw miżuri ta’ flessibilità oħrajn.

3.2.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea poġġiet il-ħżin tal-elettriku fost l-oqsma ta’ prijorità tagħha u enfasizzat bosta drabi ir-rwol kruċjali tiegħu. Għalhekk, fid-dokument ta’ ħidma tagħha tal-2013 dwar il-ħżin tal-enerġija (http://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/energy_storage.pdf), tappella għal koordinazzjoni aħjar bejn dan is-suġġett u l-oqsma ta’ politika ewlenin oħra tal-UE, bħall-klima. Il-ħżin tal-enerġija għandu jkun integrat u appoġġjat mill-miżuri u l-atti leġislattivi rilevanti kollha tal-UE dwar l-enerġija u l-klima, kemm dawk eżistenti kif ukoll dawk futuri, inklużi wkoll l-istrateġiji tal-infrastruttura tal-enerġija. Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Unjoni tal-Enerġija (tal-25 ta’ Frar 2015), il-Kummissjoni tfakkar li “L-Unjoni Ewropea hija impenjata li ssir il-mexxej dinji fl-enerġija rinnovabbli, iċ-ċentru globali fejn tiġi żviluppata l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ enerġiji rinnovabbli teknikament avvanzati u kompetittivi. L-UE stabbiliet mira tal-UE ta’ mill-inqas 27 % għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata fl-UE fl-2030.” Il-Kummissjoni beħsiebha tippromovi strateġija ġdida għar-riċerka u l-innovazzjoni: “Jekk l-Unjoni Ewropea tal-Enerġija trid tkun in-numru wieħed fl-enerġija rinnovabbli, għandha tmexxi l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ teknoloġiji rinnovabbli kif ukoll is-soluzzjonijiet ta’ ħażna.”

3.3.

Il-konklużjonijiet tal-aħħar Forum ta’ Madrid jindikaw li “il-Forum jafferma r-rwol strateġiku tal-ħżin tal-gass għas-sigurtà tal-provvista fl-UE.” Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-ħżin tal-gass.

4.   Żviluppi teknoloġiċi fil-qasam tal-ħżin

4.1.

Is-soluzzjonijiet għall-ħżin tal-elettriku jinqasmu f’erba’ kategoriji ewlenin. L-enerġija tista’ tinħażen f’forom differenti (elettriku, gass, idroġenu, sħana, kesħa), skont il-ħtiġijiet u l-limiti tagħha, qrib siti tal-produzzjoni, fuq netwerks tal-enerġija jew qrib ta’ fejn tkun ser tintuża:

l-enerġija mekkanika potenzjali [diga idroelettrika, impjanti tat-trasferiment tal-enerġija ppompjata (PSP: pumped-storage power plants)/PSP marittimi/ħżin tal-enerġija f’arja kompressata];

l-enerġija mekkanika kinetika (flajwil);

l-enerġija elettrokimika (ċelloli, batteriji, capacitors, portaturi tal-idroġenu);

l-enerġija termali (sħana rieqda jew li tinħass).

4.2.

L-iktar mezz ta’ ħżin tal-elettriku popolari fid-dinja huwa l-ħżin idrawliku tal-enerġija bil-pompa bħas-sistemi tal-provvisti tal-elettriku mingħajr interruzzjoni (UPS: uninterruptible power supplies). L-operaturi tan-netwerks tal-elettriku, il-produtturi u l-mexxejja ta’ bini terzjarju reġgħu qed juru interess f’dawn is-sistemi. Il-PSP jippermettu: l-integrazzjoni tal-enerġiji rinnovabbli intermittenti b’mod partikolari l-enerġija mir-riħ u l-enerġija fotovoltajka; kapaċità avvanzata u tqassim tal-perjodi ta’ karga massima; arbitraġġ ekonomiku (iċċarġjar meta d-domanda u l-prezzijiet ikunu baxxi, bejgħ mill-ġdid meta l-prezzijiet u d-domanda jkunu għoljin, permezz ta’ miżuri ta’ aġġustament “soċjali”); tqassim fuq perjodu ta’ żmien tal-investimenti fin-netwerks tal-elettriku. Madankollu, huwa improbabbli li l-kapaċità possibbli tal-ħżin ser tkun biżżejjed biex tpatti għal perjodi twal mingħajr riħ jew xemx f’każ ta’ espensjani kbira ta’ dawn it-tipi ta’ enerġija rinnovabbli.

4.3.

Mis-suq tal-ħżin ħarġu wkoll ħames setturi ġodda li fl-għaxar snin li ġejjin ser ikomplu jinfirxu:

il-ħżin tal-enerġija matul proċessi industrijali termali jew kimiċi li jippermetti t-tneħħija tal-perjodi ta’ karga massima jew it-tqassim tagħhom fil-qafas tal-ottimizzazzjoni tal-konsum tal-elettriku u anki tas-sħana u tal-gass;

il-ħżin tal-enerġija billi jiġu abbinati n-netwerks tal-elettriku u tal-gass permezz tal-injezzjoni tal-idroġenu mill-elettrolisi jew permezz tal-produzzjoni tal-metan sintetiku mill-metanizzazzjoni (eż: Power to Gas tal-kumpanija Ġermaniża DENA (www.powertogas.info)];

il-ħżin tal-elettriku għaż-żoni u l-bini residenzjali fil-qafas tal-adattament tal-bini u “ġżejjer” intelliġenti jew ta’ enerġija pożittiva (il-proġett Nicegrid fi Franza);

il-ħżin mobbli tal-elettriku permezz tal-vetturi elettriċi fis-sistemi V2G (vehicle to grid): Toyota, Nissan, Renault, eċċ.;

l-impjanti tal-akkumulu ppompjat flessibbli, b’veloċità varjabbli u li jistgħu jiġu totalment aġġustati, għas-suq tat-tqassim tal-enerġija.

4.4.

Ta’ min wieħed jinnota r-rwol promettenti tal-idroġenu (minkejja li l-prezz tiegħu kif ukoll il-kwistjonijiet ta’sigurtà u trasport jheddu b’mod konsiderevoli l-potenzjal tiegħu): huwa portatur tal-enerġija li ma jerħix gassijiet b’effett ta’ serra meta magħmul minn sors dekarbonizzat u jista’ jintuża b’diversi modi prinċipalment fl-industrija bħal tal-produzzjoni lokali tal-elettriku (forniment f’siti iżolati, ġeneraturi ta’ emerġenza), il-ħżin tal-enerġija (appoġġ għan-netwerk, użu ta’ enerġiji rinnovabbli) jew il-koġenerazzjoni. Huwa jintuża wkoll fit-trasport bl-art (vetturi privati, trasport pubbliku, trasport tal-merkanzija tqila eċċ.), bl-ajru (propulsjoni ajrunawtika totali jew awżiljarja), bil-baħar jew fuq ix-xmajjar (sottomarin, propulsjoni totali jew awżiljarja), ir-raffinerija u l-petrokimika (għall-idroġenu ekoloġiku), mingħajr ma ninsew forom oħra ta’ użu bħat-tagħmir portabbli (chargers esterni jew batteriji integrati). Dan kollu qiegħed jiġi żviluppat bħalissa.

It-tekniki tal-produzzjoni tal-idroġenu mill-elettrolisi u ċ-ċelloli tal-fjuwil issa huma flessibbli ħafna u disponibbli b’mod mifrux minkejja li xorta mhumiex effiċjenti u dan iżid id-domanda għat-turbini eoliċi jew il-pannelli solari li jirrużulta f’kapaċità żejda fil-qasam. L-idroġenu huwa portatur tal-enerġija essenzjali f’sistemi li jużaw il-flessibbiltà bejn netwerks differenti tal-enerġija (eż. il-Hybrid Power Plant ta’ Berlin). Fejn meħtieġ, l-idroġenu (“metanizzat”) jista’ jiġi prodott minn elettriku rinnovabbli sabiex jiġi injettat fin-netwerks tal-gass, jew jinħażen għad-distribuzzjoni bħala fjuwil jew aġent kimiku, jew anki għal injezzjoni mill-ġdid fil-forma ta’ elettriku. L-idroġenu metanizzat, li għandu l-ogħla potenzjal tal-ħżin tal-enerġija, jista’ jiġi trasportat b’mod sigur u jinħażen (għal perjodi twal) fl-infrastruttura attwali tal-gass (ħżin ġeoloġiku eċċ), jista’ jintuża wkoll sabiex jiġu ffurmati idrokarburi ta’ katina twila (li għandhom diversi applikazzjonijiet: minn idrokaburi għall-fjuwil tal-avjazzjoni sa prodotti oħra bħall-plastik, li bħalissa jsir biss bil-karburanti fossili). Barra minn hekk, il-karbonju idealment preżenti fl-ekonomija ċirkolari (CO2, eċċ.) jerġa’ jintuża mill-ġdid u ma jakkumulax fl-atmosfera. Dan ifisser għalhekk tranżizzjoni mill-produzzjoni ta’ gass b’effett ta’ serra għall-produzzjoni tal-enerġija. Il-produzzjoni tal-idroġenu u tal-elettriku mill-idroġenu tiġġenera s-sħana, għaldaqstant l-użu tagħha jżid ukoll l-interess f’dawn is-soluzzjonijiet. L-idroġenu huwa wieħed mill-portaturi rari li jippermetti arbitraġġ ekonomiku, soċjali u ambjentali bejn is-swieq tal-elettriku u sorsi oħra ta’ enerġija.

4.5.

Eżempju tajjeb ieħor huwa l-ħżin f’batterija tal-elettriku prodott mill-pannelli solari matul il-ġurnata. Il-problema tal-pannelli solari installati fuq is-saqaf tad-djar hija li jipproduċu l-elettriku meta d-djar ikunu vojta. Filgħaxija, mar-ritorn tal-okkupanti, ix-xemx ħafna drabi tkun ilha li niżlet u l-pannelli ma jipproduċux aktar enerġija.

4.6.

Jidher li kumpanija Ġermaniża skopriet u qed tiżviluppa soluzzjoni possibbli. Din l-intrapriża ħolqot konnessjoni bejn il-komponenti u programm tal-kompjuter flimkien ma’ applikazzjoni għas-smartphones; mill-mobile tagħhom, l-utenti jistgħu jivverifikaw il-livell ta’ charge li għandha l-batterija li taħżen l-elettriku li ġej mill-pannelli solari matul il-ġurnata. Il-kalkoli finanzjarji jindikaw li ħafna drabi l-pannelli solari ta’ dar jipproduċu madwar 25 % u 35 % tal-enerġija li teħtieġ familja u b’din is-soluzzjoni spiss jaqbżu s-70 %. Fid-dawl tal-prezzijiet attwali, ir-redditu fuq l-investiment isir f’madwar 8 snin u l-batteriji huma ggarantiti għal 20 sena.

4.7.

Dan huwa inċentiv ukoll għall-mudell ta’ “produzzjoni-konsum familjali” li appoġġja l-KESE f’bosta opinjonijiet tiegħu (il-kunċett ta’ “prosumaturi”, bl-Ingliż “prosumers”).

4.8.

Minkejja li jidher li diġà jeżistu bosta soluzzjonijiet, il-potenzjal għal tagħmir addizzjonali għadu limitat. Barra minn hekk jeżistu ostakoli sinifikanti għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda iktar flessibbli, bħall-batteriji lithium-ion jew il-power-to-gas. L-inkonvenjenza prinċipali ta’ dawn is-soluzzjonijet hija l-ispiża u l-kompetittività ekonomika tagħhom, li għadhom maqtugħin ħafna mill-kundizzjonijiet tas-suq, kif ukolli d-daqs li għadu konsiderevoli tal-batteriji. Fit-tbassir tagħha, l’Ademe (Agence française de l’environnement et de la maitrise de l’énergie – Aġenzija tal-ambjent u tal-ġestjoni l-enerġija ta’ Franza – Is-sistemi tal-ħżin tal-enerġija/pjan direzzjonali strateġiku, 2011) tipprevedi spinta fl-industrija tas-sistemi stazzjonarji ta’ ħżin mill-2030 ‘il quddiem. Min-naħa tagħha, l-aġenzija ta’ konsultazzjoni McKinsey (Battery Technology Charges Ahead, McKinsey, 2012) temmen li minkejja li l-prezz tal-ħżin tal-enerġija ser jonqos fis-snin li ġejjin, l-iskala u l-veloċità ta’ dan it-tnaqqis għadhom dibattibbli. Skont din l-aġenzija ta’ konsultazzjoni, il-prezz tal-batterija lithium-ion jista’ jonqos minn USD 600/kWh għal USD 200/kWh fl-2020 u għal USD 160/kWH fl-2025.

5.   Kwistjonijiet strateġiċi

5.1.

Il-KESE jfakkar li l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-iskarsezza ġenerali dejjem tiżdied tal-karburanti fossili (minkejja li f’dawn l-aħħar snin instabu sorsi ġodda) wasslu għal żieda fl-enerġiji rinnovabbli, li l-KESE appoġġja f’bosta opinjonijiet tiegħu (TEN/564 u TEN/508). Fid-dawl taż-żieda fl-enerġiji rinnovabbli, il-KESE enfasizza l-importanza li jiġu introdotti komponenti addizzjonali tas-sistema tal-enerġija, bħal estensjonijiet tan-netwerks tat-trasport, faċilitajiet ta’ ħżin u kapaċitajiet ta’ riżerva. L-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli fi kwantitajiet kbar huwa sfida strateġika peress li minn naħa se jnaqqas l-importazzjonijiet (b’vantaġġ ekonomiku u etiku) u, min-naħa l-oħra, jeżiġi faċilitajiet tal-ħżin (faċilitajiet ta’ ħżin mhux biss minn jum għall-ieħor iżda minn staġun għall-ieħor) fuq skala kbira.

5.2.

Il-KESE jirrikonoxxi għalhekk li l-ħżin huwa l-isfida ewlenija li qed tiffaċċja t-tranżizzjoni tal-enerġija u jinvolvi sehem kbir ta’ enerġiji rinnovabbli intermittenti. Huwa jfakkar fil-ħtieġa li tinħoloq u tiżdied il-kapaċità tal-ħżin. Huwa jenfasizza li l-ħżin tal-enerġija huwa kundizzjoni essenzjali sabiex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea, li l-KESE jappoġġja, b’mod partikolari:

it-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija għaċ-ċittadini u n-negozji;

l-użu mifrux tal-enerġija rinnovabbli (li jtaffu l-varjabbiltà mingħajr rikors għall-karburanti fossili);

l-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż billi jitbaxxa l-prezz tal-enerġija.

5.3.

Il-KESE jagħraf li l-ħżin tal-enerġija jista’ jkun spiża finanzjarja, ambjentali u sanitarja kbira. Pereżempju ċerti proġetti ta’ ħżin tal-gass taħt l-art imorru kontra l-preservazzjoni tar-riżorsi tal-ilma. Il-KESE għaldaqstant jirrakkomanda t-titjib tat-teknoloġiji kollha. Huwa jemmen li l-ħżin tal-massa jista’ jkun mod importanti ta’ kif tintuża l-komplementarjetà tal-enerġiji rinnovabbli. Minħabba d-differenzi fiż-żmien qasir, medju u fit-tul fl-enerġija fotovoltajka, l-enerġija mir-riħ tista’ tissostitwixxiha. Il-Kumitat jenfasizza li dan se jwassal għall-ħolqien ta’ netwerk ta’ interkonnessjonijiet bejn id-diversi sorsi tal-elettriku u ser jinbena fuq netwerks intelliġenti (smart grids). Dawn in-netwerks intelliġenti jużaw teknoloġiji tal-informatika li jimmassimizzaw il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-enerġija. Il-KESE jqis li għandha tiġi żviluppata teknoloġija bħal din, peress li tgħin biex tiggwida d-domanda għall-enerġija, waqt li jqis li huwa importanti li tkun ibbażata fuq il-valutazzjonijiet tal-impatt b’tali mod li tiġi rispettata l-libertà ta’ kull konsumatur. Ikun aktar utli li titwettaq evalwazzjoni globali tal-istrumenti kollha, bħalma huma l-M/441 u l-profil ta’ protezzjoni tal-BSI Ġermaniż, li jippermettu t-tranżmissjoni u t-tixrid tal-informazzjoni fis-sigurtà kollha, jiżguraw l-integrazzjoni ta’ bini intelliġenti (“Smart Home”), eċċ., sabiex jinstabu applikazzjonijiet konkreti għall-ħtiġijiet futuri tal-bliet intelliġenti, bħall-programmazzjoni fuq il-bażi ta’ tbassir meteoroloġiku.

5.4.

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ qafas regolatorju Ewropew għall-ħżin tal-enerġija li jippermetti li jiġu kwantifikati l-benefiċċji tal-ekoloġizzazzjoni tan-netwerks tal-elettriku u tal-gass.

5.5.

Barra minn hekk, il-KESE jinnota li s-suq tal-ħżin tal-elettriku għan-netwerks tal-elettriku qed jikber sew u għandu potenzjal kbir li jiġġenera kemm l-attività ekonomika kif ukoll l-impjiegi. Dan kapaċi jikkumpensa t-telf ta’ impjiegi f’oqsma oħra tas-suq tal-enerġija. L-opportunitajiet ta’ investiment min-naħa tal-operaturi tan-netwerks u ta’ kumpaniji tal-enerġija huma ġġustifikati mill-ħtieġa li l-enerġiji intermittenti jiġu integrati dejjem iktar. Fl-Ewropa, il-bini tal-impjanti tal-akkumulu ppompjat, ir-rinnovazzjoni ta’ dawk eżistenti u l-konverżjoni ta’ digi idroelettriċi f’impjanti ta’ dan it-tip huma l-bażi tal-iżvilupp tas-suq. Għalhekk huwa xieraq li jitnaqqsu mingħajr dewmien l-ostakoli li jfixklu l-effiċjenza tal-impjanti tal-akkumulu ppompjat. Biex jiġu żgurati l-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali ta’ din it-teknoloġija, għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li dawn l-impjanti jkunu jistgħu jinbnew u jintużaw.

6.   It-tisħiħ tar-riċerka u l-iżvilupp

6.1.

Il-KESE jinnota li, s’issa, l-UE ffukat l-infiq tagħha fuq l-użu tat-teknoloġiji aktar milli fuq ir-riċerka u l-iżvilupp (Rapport bl-isem “‘Enerġija, l-Ewropa f’netwerks” mis-Sur Michel Derdevet, 23 ta’ Frar 2015). L-ispiża pubblika fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa (fis-setturi kollha) hija stabbilita f’livell simili u f’termini reali għal dik tas-snin tmenin (bil-kontra tal-Istati Uniti jew il-Ġappun fejn żdiedet) filwaqt li l-enerġiji rinnovabbli qegħdin jiffjorixxu. Il-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika li ġie implimentat fl-2007 ma mmobilizzax il-finanzjament adegwat. Ħafna tensjonijiet fuq is-sistema tal-enerġija Ewropea, kemm biex tintegra sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista u l-kompetittività ekonomika tal-Ewropa, jitolbu t-tiġdid neċessarju tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp tal-enerġija. Il-ħżin huwa komponent ewlieni ta’ proġetti prinċipali relatati man-netwerks intelliġenti mnedija fl-2012-2013 u jikkostitwixxi element prinċipali tar-riċerka u l-iżvilupp hija u titfittex risposta għall-problemi li ser jiffaċċjaw in-netwerks tal-enerġija fil-futur.

6.2.

It-teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija jinsabu fi stadji differenti ta’ żvilupp teknoloġiku u industrijali. Il-KESE jappella għal iktar riċerka u żvilupp, u għal sinerġija mtejba fil-livell Ewropew, speċjalment peress li ħafna proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa u madwar id-dinja qed jiffaċċjaw sfidi u opportunitajiet simili. F’bosta opinjonijiet tiegħu l-KESE wera d-dispjaċir tiegħu li l-isforz tar-riċerka mhuwiex adattat għall-problemi li jeżistu u appella li fuq livell Ewropew dan jissaħħaħ. L-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa wkoll jikkontribwixxu b’mod proporzjonat f’dan l-isforz. L-Unjoni Ewropea għandha tagħti spinta lill-koordinazzjoni u l-investiment kemm jista’ jkun malajr fid-dawl tal-importanza kruċjali tar-riċerka u l-iżvilupp sabiex jingħelbu l-aħħar ostakoli tekniċi u (permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin industrijali) titnaqqas l-ispiża tal-investiment li għadha għalja wisq. Dan ser jippermetti integrazzjoni mtejba tal-enerġiji rinnovabbli u tnaqqis fl-ispiża tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Barra minn hekk ser tillimita l-impatt li għandhom ċerti forom ta’ enerġija fuq is-saħħa, tippermetti l-iżviluppp ta’ setturi innovattivi li huma kompetittivi fuq livell internazzjonali u tippermetti l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-bliet intelliġenti, xpruni ta’ politika industrijali Ewropea ġdida”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 383/05)

Relatur:

is-Sinjura Daniela RONDINELLI

Nhar it-22 ta’ Jannar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“Il-bliet intelliġenti, xpruni ta’ politika industrijali Ewropea ġdida.”

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Ġunju 2015.

Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tal-1 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’149 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fil-kuntest tal-urbanizzazzjoni dejjem tikber, l-UE u l-Istati Membri jqisu l-bliet bħala “laboratorji għal Ewropa aktar dinamika u diġitali” fejn jiġu ttestjati miżuri kapaċi jiġġeneraw it-tkabbir, l-impjiegi u l-iżvilupp soċjali.

1.2

Is-sostenibbiltà tal-bliet se tkun ir-riżultat ta’ taħlita intelliġenti ta’ teknoloġiji aktar maturi u innovattivi, pjattaformi integrati (fil-livell Ewropew, nazzjonali u muniċipali) infrastruttura moderna, effiċjenza enerġetika, tfassil mill-ġdid ta’ servizzi aktar effiċjenti skont il-ħtiġijiet taċ-ċittadini u l-utenti, u l-integrazzjoni bejn in-netwerk intelliġenti tal-elettriku, l-Internet, u t-teknoloġija tas-sensuri.

1.3

Bliet avvanzati bħal dawn iservu ta’ laboratorji tal-innovazzjoni, u implimentati fuq skala kbira, jikkontribwixxu għar-“rinaxximent” industrijali u soċjoekonomiku tal-UE, filwaqt li jniedu rivoluzzjoni soċjali, finanzjarja u industrijali ġenwina.

1.4

Għaldaqstant, il-KESE jqis li l-Bliet Intelliġenti jistgħu jsiru xpruni ta’ żvilupp ta’ politika industrijali Ewropea ġdida li kapaċi tinfluwenza l-iżvilupp ta’ setturi produttivi speċifiċi u għalhekk testendi fuq skala kbira l-benefiċċji ta’ ekonomija diġitali. Il-Viċi President tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič, fl-okkażjoni tal-intervent tiegħu waqt is-sessjoni plenarja tal-KESE tat-22 ta’ April 2015, iddikjara li l-Bliet Intelliġenti huma prijorità ta’ żvilupp għall-UE u enfasizza l-entużjażmu tas-Sindki tal-bliet biex jinvestu fil-komunitajiet tal-ġejjieni.

1.5

Biex dan jinkiseb, huwa essenzjali mudell ta’ żvilupp aktar avvanzat u effikaċi minn dawk applikati s’issa, billi dawk eżistenti huma kkaratterizzati mill-frammentazzjoni esterna tal-azzjoni. Għal din ir-raġuni, il-KESE jipproponi lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra u lill-gvernijiet nazzjonali biex jgħaqqdu l-kunċett ta’ “Intelliġenza” ma’ mudell sostenibbli u integrat ta’ żvilupp applikabbli għal belt, gżira, territorju jew distrett industrijali, li jibbaża fuq il-koerenza u l-integrazzjoni ta’ sitt “pilastri abilitanti”:

teknoloġiji u strumenti għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

tixrid ta’ pjattaformi teknoloġiċi u konnettività biex jinħolqu sistemi ġodda ta’ servizzi diġitali;

servizzi diġitali ġodda biex titjieb il-kwalità tal-ħajja u tax-xogħol taċ-ċittadini u n-negozji;

titjib tal-infrastruttura u disinn mill-ġdid urban;

edukazzjoni u taħriġ taċ-ċittadini, in-negozji u s-settur pubbliku għall-ħiliet diġitali;

mudell ta’ sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja għall-investimenti.

1.6

Il-preżenza simultanja ta’ dawn is-sitt pilastri għandha titqies bħala komponent “standard” u essenzjali ta’ proġett strateġiku għal Bliet Intelliġenti. Huwa importanti wkoll li l-użu ta’ dan il-mudell iseħħ f’kuntest ta’ politika li tiżgura l-ogħla standards ta’ sigurtà tan-netwerks, tas-sistemi tal-IT, tal-applikazzjonijiet u tat-tagħmir, li jiffurmaw il-bażi tal-ekosistemi ta’ servizzi diġitali.

1.7

Biex din il-proposta ssir azzjonijiet konkreti, il-KESE jemmen li huwa essenzjali, barra mill-involviment tas-soċjetà ċivili, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkoordinaw l-azzjonijiet ta’ politika tagħhom b’riżorsi finanzjarji pubbliċi xierqa u strutturalment jiftħuhom għal sħubija pubblika-privata.

1.8

B’mod partikolari, biex jiġu introdotti innovazzjonijiet kompletament sostenibbli mmirati lejn it-titjib tal-kwalità tal-ħajja u l-benessri taċ-ċittadini, il-KESE jemmen li l-investiment fil-Bliet Intelliġenti għandu jkun appoġġjat bil-valorizzazzjoni tas-sinerġija bejn il-Fondi pubbliċi Ewropej, nazzjonali u reġjonali eżistenti, u bl-użu tal-opportunitajiet irrappreżentati mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS).

1.9

Sabiex jintlaħqu dawn il-proċessi, il-KESE ifittex li:

il-Kummissjoni Ewropea tistabilixxi “Ċentru ta’ aċċess uniku Ewropew speċjalizzat għall-Bliet Intelliġenti”, b’parteċipazzjoni mid-Direttorati Ġenerali kompetenti, l-Istati Membri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni;

kull Stat Membru għandu għalhekk jistabbilixxi “Punti ta’ aċċess uniċi finanzjarji u tekniċi għall-Bliet Intelliġenti” strutturalment marbuta maċ-“Ċentru ta’ aċċess uniku Ewropew speċjalizzat dwar il-politika u r-riżorsi għall-Bliet Intelliġenti”. Dawn il-punti għandhom ikunu miftuħa għad-djalogu mal-partijijiet interessati lokali pubbliċi u privati biex jiffavorixxu azzjonijiet ta’ promozzjoni fuq livell nazzjonali u ta’ bliet individwali minn gruppi konsultattivi magħmula mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali;

il-European Investment Advisory Hub tal-FEIS li huwa fil-proċess li jitwaqqaf, jattiva sezzjoni apposta għall-Bliet Intelliġenti;

il-European Innovation Partnership for Smart Cities and Communities (is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għal Bliet u Komunitajiet Intelliġenti) tiġi estiża għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-KESE.

1.10

Fuq il-bażi ta’ dawn l-istrumenti ġodda, il-KESE jemmen li għandha tiġi promossa Pjattaforma Ewropea tal-proġetti bil-karatteristiċi previsti mill-FEIS, li twassal għall-emerġenza u l-integrazzjoni tal-proġetti tal-Bliet Intelliġenti bejn l-Istati Membri u għalhekk tappoġġa l-eliġibbiltà tal-proġetti permezz tal-integrazzjoni bejn ir-riżorsi pubbliċi disponibbli, dawk privati affidabbli u forom ta’ garanzija attivabbli permezz tal-FEIS.

1.11

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jiġi promoss suq komuni għall-Bliet Intelliġenti inkluż permezz ta’ qafas regolatorju armonizzat li jinkludi:

reviżjoni Ewropea tal-istrumenti tas-sħubijiet pubbliċi-privati biex isiru aktar attraenti għan-negozji u biex tiġi estiża l-operattività anke għas-servizzi li huma l-fulkru tal-ekonomija diġitali;

strumenti għall-akkwist innovattiv u ta’ akkwist prekummerċjali;

mekkaniżmi omoġenji li jippermettu li l-amministrazzjonijiet tal-bliet jibbenefikaw bi trasparenza mir-riżorsi ekonomiċi li jirriżultaw mill-iffrankar tal-ispejjeż u mis-servizzi ġodda ġġenerati mill-pjattaformi għall-Bliet Intelliġenti u li jinkoraġġixxu l-investiment mill-ġdid f’aktar proġetti innovattivi.

1.12

Għall-KESE, l-involviment u l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetajiet ċivili u l-qbil bejn il-partjiet soċjali huma essenzjali mhux biss biex ikunu identifikati l-pjani strateġiċi u ta’ proġetti marbuta mal-implimentazzjoni tal-mudell sostenibbli u integrat ta’ żvilupp tal-Bliet Intelliġenti; iżda wkoll biex ikun żgurat li dawn il-pjani jinbidlu f’benefiċċji ekonomiċi u soċjali għaċ-ċittadin u f’kundizzjonjiet tal-ħajja u tax-xogħol aħjar.

2.   Sfond

2.1

L-urbanizzazzjoni dejjem tikber fil-livell globali (skont l-Għan ta’ Żvilupp tal-Millennju Nru 11, l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijet Uniti qed timplimenta l-proġett United Smart Cities sabiex il-bliet kollha tad-dinja jsiru sostenibbli, inklużivi, sikuri u reżiljenti għad-diżastri) u Ewropew (1) hija dejjem aktar marbuta mat-tifrix ta’ Bliet Intelliġenti (Unjoni Ewropea – Politika Reġjonali. Il-Bliet ta’ Għada, Ottubru 2011), minħabba li f’dawk il-kuntesti, il-maġġoranza taċ-ċittadini (72 % tal-popolazzjoni tal-UE (359 miljun ruħ) issa jgħixu fi bliet u sal-2020 dan il-perċentwal se jilħaq it-80 % (data tal-KE)) u tal-attivitajiet kummerċjali ser jikkonċentraw l-interessi personali, soċjali u ekonomiċi tagħhom. Madanakollu, f’kuntest Ewropew, ikkaratterizzat minn ħafna ċentri urbani iżgħar, u fejn l-istorja industrijali iffavorixxiet il-katini ta’ valur u n-netwerks tan-negozju, it-tranżizzjoni għal dan il-mudell il-ġdid għandu jiġi previst u ffaċilitat anke fuq territorji vasti u distretti.

2.2

Is-sensittività akbar dwar dawn il-kwistjonijiet min-naħa ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet pubbliċi nazzjonali u lokali hija xhieda tal-intensifikazzjoni ta’ ftehimiet bilaterali ta’ sħubijiet bejn Bliet Intelliġenti u muniċipji ta’ kontinenti oħra li għad iridu jevolvu lejn is-sostenibbiltà. Dawn il-ftehimiet għandhom l-għan li jikkuppjaw l-esperjenzi pożittivi u jivalorizzaw u jaqsmu l-prassi tajba. Pereżempju, il-Gvern Ċiniż identifika 12-il belt li ffirmaw ftehimiet ta’ kooperazzjoni dwar l-iżvilupp urban sostenibbli urban (http://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/12_cities.pdf) ma’ bliet Ewropej li huma meqjusa fost l-aktar Intelliġenti. Barra minn hekk, naraw proliferazzjoni ta’ proġetti u inizjattivi fir-rigward tal-iżvilupp Intelliġenti tal-bliet promossi spontanjament mill-gvernijiet u/jew miċ-ċittadini (pereżempju l-Karta ta’ Malaga, 7 ta’ Frar 2011 (http://www.catmed.eu/pag/en/11/the-malaga-charter) jew assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew netwerks fuq skala Ewropea, bħal Eurocities (http://www.eurocities.eu) u l-Patt tas-Sindki http://www.covenantofmayors.eu

2.3

L-istrateġija Ewropa 2020 tippromwovi l-Bliet Intelliġenti fl-Ewropa kollha permezz ta’ investimenti fl-infrastuttura tal-ICT, għat-tkabbir tal-kapital uman, u għal soluzzjonijiet li jisfruttaw l-opportunitajiet marbuta mat-teknoloġiji l-ġodda u d-diġitalizzazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin: ittejjeb is-sostenibbiltà u l-kwalità tal-ħajja u tax-xogħol taċ-ċittadini u n-negozji; iżżid l-effiċjenza u l-aċċessibbiltà tas-servizzi; tnaqqas il-faqar, il-qgħad, l-esklużjoni soċjali, it-tniġġis u d-degradazzjoni ambjentali.

2.4

Bid-Dikjarazzjoni ta’ Venezja għal Ewropa diġitali http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/digital-venice-2014, il-gvernijiet nazzjonali reġgħu tennew l-għan li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tal-ekonomiji tagħhom lejn waħda diġitali, billi jikkunsidraw li dan jista’ jsir il-fulkru ta’ mudell ġdid ta’ politika industrijali, fejn it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jirrappreżentaw input essenzjali għal kwalunkwe tip ta’ produzzjoni ta’ prodotti u servizzi, fuq l-istess livell tal-aċċess għall-istrumenti finanzjarji u s-sorsi ta’ enerġija.

2.5

F’dan il-kuntest, il-bliet iqisu lill-Istati Membri bħala “Laboratorji għal Ewropa aktar dinamika, Ewropa diġitali”, billi huma l-muturi potenzjali ta’ dawn il-bidliet. Il-Bliet Intelliġenti jirrappreżentaw postijiet ta’ ttestjar ta’ miżuri li kapaċi jiġġeneraw tkabbir u impjieg, peress li fihom it-teknoloġiji diġitali jinstabu ma’ infrastrutturi innovattivi u servizzi ġodda.

2.6

It-trasformazzjoni tal-Bliet fis-sens Intelliġenti se jkollha impatt fuq l-innovazzjoni teknoloġika, fuq it-trasport intelliġenti, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fuq il-ħajja taċ-ċittadini, il-ħaddiema u n-negozji, permezz ta’ ħafna bidliet, marbuta pereżempju mat-telexogħol, id-demokrazija diġitali, it-trasparenza ikbar, u dan se jippermettilhom parteċipazzjoni b’mod aktar attiv fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

2.7

Fl-okkazjoni tal-Konferenza li l-KESE organizza fl-10 ta’ Novembru 2014 dwar “Bliet Intelliġenti – Lejn Qawmien ekonomiku Ewropew permezz tal-Innovazzjoni Ċivika” (http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-smart-cities-civic-innovation), min ifassal il-politika, mexxejja tal-bliet u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ddiskutew dwar kif il-bliet intellġenti jistgħu isiru “strumenti ta’ gwida” għall-iżvilupp ta’ politika industrijali ġdida għall-Ewropa; kif jistgħu jappoġġjaw tkabbir u impjieg; b’liema modi l-atturi tas-soċjetà ċivili jistgħu jipparteċipaw fit-tfassil tal-istrateġiji; liema strumenti ta’ politika jiġu implimentati biex jiffavorixxu l-emerġenza ta’ investimenti fil-Bliet Intellġenti fl-UE kollha.

2.8

Il-KESE jqis li, sabiex il-Bliet Intelliġenti jkunu jistgħu jsiru “muturi” ta’ żvilupp għal politika industrijali Ewropea ġdida (2), jeħtieġ li din tiffoka fuq tliet interventi:

2.8.1

Id-definizzjoni ta’ mudell ta’ żvilupp tal-Bliet Intelliġenti iktar avvanzat u effikaċi, sabiex: tingħeleb il-frammentarjetà ta’ bħalissa u tiġi promossa viżjoni unitarja tal-proġetti, li tmur lil hinn mill-integrazzjoni tal-ICT, il-mobbiltà u l-effiċjenza enerġetika. B’mod partikolari, hemm bżonn tiffoka fuq inizjattivi li jistgħu jkunu differenti fuq il-livell lokali iżda jkollhom il-kondizzjoni li jkomplu jaħdmu fuq l-impatt attwali fuq il-PDG, it-tkabbir, l-impjieg, il-produttività (l-indikaturi ekonomiċi kwantittattivi), il-kwalità tal-ħajja u l-benessri psikofiżiku tal-persuna (l-indikaturi ekonomiċi kwalitattivi).

2.8.2

Il-promozzjoni tal-investiment fil-Bliet Intelliġenti b’loġika ta’ sħubija bejn il-pubbliku u l-privat, li tivvalorizza qabel kollox l-għadd ta’ Fondi Ewropej disponibbli u tpoġġihom f’sinerġija mal-operat tal-FEIS (Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013, COM(2015) 10 final), bil għan li: jadottaw mudell ta’ żvilupp fil-livell Ewropew, li huwa kkaratterizzat mill-kapaċità li jiġġenera riżultati soċjali, ambjentali, produttivi u ta’ impjieg (Il-KE tistima żieda ta’ 2,8 miljun impjieg sal-2018 (Start-up Europe, konferenza tal-KESE, 10 ta’ Novembru 2014), u jiggarantixxu l-prospettiva ta’ ħlas lura tal-kapital għall-investituri privati.

2.8.3

It-tisħiħ tal-preżenza u r-rwol tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fil-proċess ta’ tfassil strateġiku tal-Bliet Intelliġenti, l-implimentazzjoni tiegħu u l-monitoraġġ sussegwenti tiegħu huwa essenzjali sabiex itejjeb il-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol taċ-ċittadini u n-negozji.

3.   Mudell sostenibbli u integrat għall-iżvilupp tal-Bliet Intelliġenti fl-ekonomija diġitali

3.1

L-istudju tal-Parlament Ewropew (3) juri kif l-istrateġiji jew l-inizjattivi attwali jimmiraw biex il-bliet isiru iktar intelliġenti almenu taħt wieħed minn dawn il-profili: il-governanza tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, ir-rapport maċ-ċittadinanza, il-kondizzjonijiet tal-ħajja, il-mobbiltà, l-ekonomija, l-ambjent. Huwa possibbli, b’mod impliċitu, li wieħed jimmaġina proġett ta’ Belt Intelliġenti, anke b’waħda biss minn dawn il-karatteristiċi. L-istudju jidentifika tliet tipi ta’ komponenti fundamentali ta’ Belt Intellġenti: teknoloġika, umana u istituzzjonali.

3.2

Il-KESE jemmen li d-definizzjoni ta’ mudell ġdid ta’ Belt Intelliġenti sostenibbli, produttiva u inklużiva huwa essenzjali, biex belt intelliġenti ma tibqax titqies bħala proġett ta’ “teknoloġija tal-informazzjoni”, ta’ “titjib ambjentali” jew ta’ “effiċjenza fl-użu tal-enerġija”, iżda bħala parti minn politika industrijali Ewropea ġdida fejn it-tkabbir li jwassal għall-impjiegi u l-iżvilupp soċjali jirrappreżenta r-riżultat tat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomiji tagħna.

3.3

It-twettiq ta’ dan il-mudell huwa marbut mhux biss ma’ viżjoni iktar integrata tal-proġetti fil-Bliet Intelliġenti, iżda wkoll:

ma’ inqas frammentazzjoni tal-istrateġiji tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni;

ma’ standardizzazzjoni u integrazzjoni akbar tal-programmi operattivi, tal-elementi kostitwenti u l-istrumenti finanzjarji nazzjonali u Ewropej iddedikati għall-iżvilupp tal-Bliet Intelliġenti;

mal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet finanzjarji li kapaċi jagħtu effett ta’ lieva fir-rigward tar-riżorsi privati, inkluż permezz tal-użu ta’ riżorsi pubbliċi għall-mitigazzjoni tar-riskju;

mal-affermazzjoni ta’ politika ta’ akkwist pubbliku strateġiku orjentat lejn il-ġenerazzjoni ta’ klassijiet ta’ prodotti u servizzi li kapaċi jtejbu l-effettività perċepita miċ-ċittadini, l-amministrazzjoni pubblika u n-negozju; u jżidu l-kompetittività ta’ territorju distintiv u/jew ta’ netwerk u/jew settur tan-negozju.

3.4

Għaldaqstant, il-KESE, konxju li strateġija Intelliġenti tista’ tkun applikabbli għal belt, gżira, territorju, jew distrett industrijali, jipproponi lill-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet nazzjonali jidentifkaw mudell ta’ żvilupp tal-Bliet Intelliġenti, fi programmi kkaratterizzati mill-koeżistenza u l-integrazzjoni ta’ 6 pilastri abilitanti (Fl-Italja dan il-mudell, li ħareġ mill-proposta mħejjija mill-assoċjazzjoni Amerigo (International Cultural Exchange Programs Alumni) u minn Enam (European Network of American Alumni Associations) qiegħed jispira l-attività ta’ definizzjoni ta’ strateġija għall-Belt Intelliġenti, fl-ambitu tal-hekk imsejjaħ Pjan Juncker, min-naħa tal-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku):

il-preżenza ta’ teknoloġiji u strumenti għall-effiċjenza enerġetika u l-integrazzjoni tas-sorsi rinovabbli, bħal pereżempju, l-infrastruttura intelliġenti tal-elettriku (grilji intelliġenti) li tista’ tappoġġja u tħeġġeġ pjani ta’ ffrankar enerġetiku, bl-integrazzjoni fihom ta’ soluzzjonijiet u tagħmir ad hoc; il-faċilitazzjoni għall-użu ta’ taħlita ta’ sorsi tal-provvista, kemm f’ambitu privat kif ukoll pubbliku; l-integrazzjoni mal-infrastruttura ta’ konnettività u spinta għat-tixrid ta’ sinjali ta’ IP aċċessibbli liberament;

tixrid ta’ pjattaformi teknoloġiċi u ta’ konnettività li jwasslu għall-ħolqien ta’ sistemi ġodda ta’ servizzi diġitali, permezz ta’ infrastruttura tal-ICT u tat-telekomunikazzjoni kapaċi: jiżguraw konnettività mifruxa, grazzi għall-integrazzjoni man-netwerks intelliġenti; jiffavorixxu t-tixrid tal- Internet of Everything b’konnessjoni ma’ sensuri, tagħmir, servizzi; jivvalorizzaw l-open-data pubblika u privata u l-aġenda diġitali urbana; jiggarantixxu fl-istess ħin l-ogħla standards ta’ sikurezza ta’ soluzzjonijiet u tagħmir u ta’ privatezza tal-informazzjoni taċ-ċittadini, in-negozji u l-amminstrazzjoni;

l-iżvilupp ta’ ekosistemi ġodda ta’ servizzi diġitali biex itejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u l-proċessi ta’ produzzjoni tan-negozji permezz ta’ tagħmir “Intelliġenti” integrat ibbażat fuq il-pjattaformi ta’ konnettività u n-netwerks intelliġenti. Dawn l-ekosistemi ta’ servizzi diġitali li joperaw f’diversi setturi (pereżempju, il-mobilità, is-saħħa elettronika, it-turiżmu diġitali, l-industrija 4.0) jistgħu jippromwovu jew isaħħu l-ħolqien ta’ industrija Ewropea għall-Bliet Intelliġenti, speċjalment fejn hija ppreferuta mill-atturi teknoloġiċi ewlenin, l-aċċelerazzjoni ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi żviluppati u manifatturati minn realtà ta’ dimensjonijiet iżgħar, inklużi negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu;

proġetti ta’ titjib tal-infrastuttura u d-disinn mill-ġdid urban, bħal pereżempju l-proġettazzjoni mill-ġdid tal-użu ta’ żoni tal-bliet, bl-adattament u r-rikonverżjoni ta’ bini u infrastruttura pubblika għal raġunijiet produttivi, ambjentali u soċjali bil-għan li dan iħeġġeġ mhux biss iż-żieda fil-valur ekonomiku tal-bini, iżda wkoll fil-valur fl-użu perċepit mill-utenti, parzjalment bis-saħħa ta’ użu usa’ ta’ teknoloġiji effiċjenti u konnessi u t-tixrid tal-mekkaniżmi tal-akkwist pubbliku indirett;

ippjanar ta’ taħriġ u ta’ aġġornament tal-ħiliet diġitali taċ-ċittadini, in-negozji u s-settur pubbliku sabiex isir użu sħiħ tal-innovazzjonijiet minn kemm jista’ jkun utenti finali possibbli;

ippjanar għal sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja għall-investimenti bbażati fuq identifikazzjoni ċara: id-dħul li jirriżulta mis-servizzi, mit-titjib tal-infrastruttura u tal-effiċjenza; il-mod ta’ qsim tal-benefiċċji bejn l-operaturi tan-netwerks, l-investituri, l-iżviluppaturi ta’ soluzzjonijiet u t-tagħmir Intelliġenti u l-utenti; strumenti ta’ finanzi pubbliċi u privati li jistgħu jippermettu l-implimentazzjoni ta’ dawn il-mudelli ġodda ta’ intervent.

3.5

Il-koeżistenza ta’ dawn l-elementi jistgħu jimmassimizzaw l-impatt tal-proġetti f’termini ta’ tkabbir ekonomiku u tal-impjieg, il-kwalità tal-ħajja, is-simplifikazzjoni tar-relazzjonijiet bejn u mal-amministrazzjonijiet, l-iffrankar tal-enerġija għas-settur pubbliku u privat, il-ġenerazzjoni ta’ effett konsegwenzjali kompetittiv u ta’ għarfien fuq is-sistema tan-negozji.

3.6

Mill-Bliet Intelliġenti b’dan il-mod jiġu servizzi pubbliċi ta’ kwalità, livelli ta’ għajxien u ta’ negozju aħjar għaċ-ċittadini u n-negozji, opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi permezz ta’ ekosistema intraprenditorjali iktar innovattiva, titjib tas-sostenibbiltà ambjentali. Dawn ir-riżultati jistgħu jintlaħqu b’inqas finanzjament pubbliku mhux ripagabbli, permezz tal-involviment ta’ finanzjament privat, l-ippjanar strateġiku ta’sistemi ta’ servizzi li kapaċi jiġġeneraw flussi ġodda ta’ dħul u l-ħolqien ta’ netwerks bejn gruppi industrijali kbar u impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

3.7

F’dan il-kuntest ta’ opportunitajiet kbar, il-KESE jqis li huwa essenzjali li tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-sigurtà tan-netwerks, tas-sistemi informatiċi, tal-applikazzjonijiet u tat-tagħmir, li jiffurmaw il-bażi tal-ekosistemi ta’ servizzi diġitali. Il-bidla tal-Bliet fis-sens Intelliġenti teħtieġ li l-informazzjoni li fuqha huma bbażati s-servizzi, diġà sensittiva ħafna, tinġabar u tiġi ttrattata b’kunfidenzjalità, integrità u disponibbiltà.

3.8

Barra minn hekk, huwa essenzjali li fil-livell Ewropew jiġi promoss dibattitu fost l-Istati Membri rigward l-istandards ta’ sikurezza sabiex jikkonnotaw servizzi u faċilitajiet mifruxa fi ħdan l-Internet of Everything, biex tkun evitata l-possibilità li dawn ikunu interrotti, korrotti, jew saħansitra ddevjati, bi ħsara serja lill-persuni, lis-saħħa pubblika, lill-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-attivitajiet ekonomiċi, u fl-aħħar mill-aħħar lill-immaġni tal-inizjattivi kollha mmirati lejn il-kisba tal-Bliet Intelliġenti.

4.   Il-Bliet Intelliġenti, strument għal pjattaforma Ewropea għall-politika industrijali

4.1

L-integrazzjoni tas-sitt pilastri abilitanti jagħmlu l-Bliet Intelliġenti strument ideali biex titrawwem klassi ġdida ta’ investimenti, li jassoċjaw mekkaniżmu ta’ profittabilità ma’ impatt soċjali pożittiv f’termini ta’ esternalitajiet, li jagħmluhom kompletament sostenibbli minn perspettiva ekonomika-finanzjarja.

4.2

Pjan ta’ investiment Ewropew għall-Bliet Intelliġenti jippermetti l-multiplikazzjoni tal-impatti tal-inizjattivi, fil-preżenza tat-tliet fatturi li ġejjin: politiki li jippromovu l-iskalabbiltà tas-soluzzjonijiet, li hija funzjoni tal-istandardizzazzjoni tal-komponenti; il-promozzjoni ta’ suq komuni għall-Bliet Intelliġenti, sabiex immorru lil hinn mill-azzjonijiet frammentati u diversifikati ta’ kull pajjiż individwali u nidentifkaw strumenti komuni bi tweġiba għall-kritika tagħhom; il-preżenza ta’ approċċ finanzjarju uniku.

4.3

L-iskalabbiltà tas-soluzzjonijiet, jiġifieri l-possibbiltà li jespandu jew li jiġu rreplikati soluzzjonijiet eżistenti, bħalissa hija marbuta l-aktar ma’ mikro-infrastrutturi sperimentali u sistemi tat-traffiku intelliġenti, u hija funzjoni tal-involviment ta’ fornituri ewlenin ta’ teknoloġija u ta’ kooperazzjoni bejn il-bliet. Inizjattivi sperimentali oħra, għalkemm sinifikanti għall-kwalità tas-soluzzjonijiet proposti jew għall-kapaċità ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini jew tan-negozji, għandhom grad ta’ speċifiċità li jillimitaw ir-replikabbiltà.

4.4

Il-KESE jemmen li l-iskalabbiltà tas-soluzzjonijiet fil-livell Ewropew hija waħda mill-elementi ewlenin biex jiġbdu ammont adegwat ta’ investimenti privati fl-ambitu tas-sħubijiet mal-investimenti pubbliċi u għalhekk iwasslu biex il-politika għall-Bliet Intelliġenti tkun kapaċi tiġġenera t-tkabbir tal-impjiegi, l-PDG, il-produttività u l-kwalità tal-ħajja.

4.5

B’mod partikolari, il-KESE jikkunsidra li hemm bżonn:

li filwaqt li jirrikonoxxi awtonomija wiesgħa għall-bliet biex jidentifikaw is-sotto-komponenti tas-sitt pilastri abilitanti li jwieġbu bl-aħjar mod għall-inklinazzjonijiet u l-bżonnijiet lokali, il-proġetti Bliet Intelliġenti għandhom jippermettu li s-soluzzjonijiet ikunu replikabbli u skalabbli;

dawn ir-replikabbiltà u l-iskalabbiltà għandhom jiġu segwiti wkoll billi jitrawwem l-iżvilupp ta’ standards tekniċi għall-interoperabbiltà, u l-ftuħ għal soluzzjonijiet abilitanti, sabiex l-akbar flessibbiltà fil-livell lokali tkun assoċjata mal-opportunità biex jitrawwem l-iżvilupp tas-soluzzjonijiet ta’ valur kollettiv u ġenerali iżda li jistgħu jiġu adattati skont il-bżonnijiet speċifiċi;

ir-rata ta’ sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja ta’ investimenti Intelliġenti tista’ tiżdied, u għalhekk isir eħfef għall-kumpaniji kbar, l-SMEs u n-negozji li għadhom kemm jiftħu, b’mod partikolari dawk f’netwerk mal-kumpaniji l-kbar, biex jipproponu soluzzjonijiet avvanzati għal programmi ta’ intervent fit-territorju Ewropew;

tista’ tiżdied ukoll l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kapital pubbliku u privat użat, u titħeġġeġ l-allokazzjoni ta’ dak pubbliku fuq il-finanzjament tas-sottokomponenti jew il-komponenti tal-proġetti li maġġorment jew totalment ifallu fis-suq, u l-allokazzjoni ta’ dak privat fuq proġetti bi profittabbiltà pożittiva jew għolja;

l-effikaċja ta’ dan il-proċess f’termini ta’ impatt soċjoekonomiku jista’ jiżdied permezz ta’ pjattaformi ta’ kooperazzjoni bejn il-bliet, bil-mira tar-replikabbiltà u l-enfasi fuq il-prattiki tajba.

4.6

Dawn il-miżuri flimkien jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta’ suq komuni għall-Bliet Intelliġenti li jagħmel lill-UE l-ewwel pjattaforma globali għall-ittestjar tal-mudell ta’ żvilupp deskritt hawn fuq, kapaċi jiġġenera impatti sinifikanti fuq:

l-ammont ta’ investimenti li intrapriżi żgħar, ta’ daqs medju u kbar ikunu jistgħu jgawdu f’kuntest ta’ sħubija pubblika-privata;

il-promozzjoni u l-integrazzjoni, fi ħdan il-proġetti strateġiċi, tas-sistemi tal-istart-ups, l-intrapriżi innovattivi u tar-riċerka, li jistgħu jiġġeneraw effetti konsekwenzjali sinifikanti f’termini ta’ teknoloġiji, mudelli organizzattivi, soċjali u l-impatt fuq l-impjiegi;

il-kapaċità ta’ mobilitazzjoni tar-riżorsi finanzjarji privati li tirriżulta, miġbuda minn qafas ta’ politika aktar koerenti fil-livell Ewropew u l-użu xieraq ta’ riżorsi pubbliċi bħala lieva u konteniment tar-riskju.

5.   L-investiment u s-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja

5.1

Fil-livell Ewropew jew tal-Istati Membri m’hemmx fond speċifiku ddedikat għall-Bliet Intelliġenti, iżda firxa ta’ possibilitajiet ta’ aċċess għall-finanzjament minn programmi speċifiċi (Minbarra l-programmi tal-Istati Membri individwali bbażati fuq l-integrazzjoni bejn ir-riżorsi nazzjonali u l-Fondi Strutturali (FEŻR, FSE, FAEŻR), hemm fondi Ewropej li jistgħu jiffinanzjaw aspetti partikolari ta’ Belt Intelliġenti, bħall-programm Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-programmi COSME, URBAN, LIFE). Meta jitqies li l-qafas regolamentari attwali ma jippermettix iċ-ċentralizzazzjoni tar-riżorsi f’fond uniku, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jiżdied il-livell ta’ koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet involuti; li l-politiki li dawn jippromwovu jsiru iktar sinerġiċi; li l-modalità ta’ komunikazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, il-Bliet u l-partijiet interessati pubbliċi u privati jkunu uniformi u b’vuċi waħda.

5.2

Minћabba l-ћtieġa li jiġi stabbilit mudell ta’ żvilupp mhux okkażjonali ta’ azzjonijiet integrati, il-KESE iqis li dan l-għan jista’ ma jkunx segwit b’mod sħiħ minħabba n-natura frammentata tal-għarfien espert u r-riżorsi kemm tal-Kummissjoni Ewropea (sitt Direttorati Ġenerali jittrattaw il-Bliet Intelliġenti b’mod trasversali), kif ukoll tal-Istati Membri fejn mhux dejjem ċari s-setgħat u r-responsabbiltajiet bejn l-amministrazzjoni ċentrali, reġjonali u lokali.

5.3

Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni twaqqaf iċ-Ċentru ta’ aċċess uniku Ewropew speċjalizzat dwar il-politika u r-riżorsi għall-Bliet Intelliġenti, bil-parteċipazzjoni tad-Direttorati Ġenerali kkonċernati, l-Istati Membri, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-KESE, li jkollu l-kompitu li:

jiċċentralizza l-politiki, biex titnaqqas ukoll il-frammentazzjoni u l-burokrazija;

jiggarantixxi l-koordinazzjoni politika u amministrattiva bejn l-UE, l-Istati Membri u l-muniċipalitajiet għall-implimentazzjoni tal-mudell u l-politika marbuta miegħu;

jipprovdu informazzjoni armonizzata lill-amministrazzjonijiet li jixtiequ jippjanaw interventi Intelliġenti, ukoll permezz ta’ trasparenza akbar tar-riżorsi finanzjarji disponibbli u rabta ċara bejn dawn u l-intestaturi tal-baġit;

jistimula t-tnedija tas-sħubijiet Ewropej bejn l-impriżi pubbliċi u privati;

jippromwovi l-koinvolġiment tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili;

itejjeb l-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni dwar il-prattiki tajba;

iħeġġeġ it-tixrid ta’ mudell sostenibbli u integrat għall-iżvilupp ta’ Bliet Intelliġenti fil-livell nazzjonali.

5.4

Iċ-ċentru ta’ aċċess uniku Ewropew għall-Bliet Intellġenti għandu jaġixxi b’sinerġija mal-FEIS li dwaru l-KESE jtenni (4) li jkun aħjar jekk dan jappoġġa proġetti infrastrutturali strateġiċi li għandhom valur ekonomiku u soċjali miżjud b’mod li jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet politiċi tal-UE (5) mmirati lejn it-tlestija tas-suq uniku fit-trasport, it-telekomunikazzjonijiet, l-infrastruttura diġitali, l-enerġija, l-iżvilupp urban u rurali, l-iżvilupp soċjali, l-ambjent u r-riżorsi naturali.

5.5

Dawn il-proġetti huma essenzjali biex joħolqu l-Bliet Intelliġenti, jistgħu jsaħħu l-bażi xjentifika u teknoloġika Ewropea u t-trawwim ta’ benefiċċji għas-soċjetà, permezz ta’ użu aħjar tal-potenzjal ekonomiku u industrijali tal-istrateġiji marbuta mal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku.

5.6

Permezz tal-integrazzjoni bejn iċ-ċentru ta’ aċċess uniku u l-FEIS u fuq il-bażi tal-opportunità li dan joffri biex jiġu stabbiliti pjattaformi tal-proġetti u finanzjarji fil-livell Ewropew, nazzjonali jew settorjali, il-KESE jirrakkomanda t-twaqqif ta’ pjattaforma Ewropea tal-proġetti għall-Bliet Intelliġenti, sabiex jiġi promoss approċċ koerenti tal-eliġibilità tagħhom għall-finanzi, permezz tal-integrazzjoni tar-riżorsi pubbliċi disponibbli, ta’ dawk privati li jistgħu jkunu attivati u l-attivazzjoni ta’ forom pubbliċi xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskju. Pjattaforma bħal din għandha tħeġġeġ l-identifikazzjoni, l-aggregazzjoni u l-finanzjament ta’ proġetti promossi f’diversi Stati Membri u twieġeb għal mudell ta’ Belt Intelliġenti li l-KESE ppropona lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta.

5.7

Biex titrawwen l-attivazzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ proġetti, il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri kollha biex joħolqu “Punti ta’ kuntatt uniċi tekniċi-finanzjarji għall-Bliet Intelliġenti” bil-mira li:

jżommu l-ogħla grad ta’ koordinazzjoni maċ-ċentru ta’ aċċess uniku Ewropew għall-Bliet Intelliġenti, biex b’hekk jiġi żgurat it-tixrid fil-livell nazzjonali tal-linji gwida ta’ politika;

jittrasformaw il-ħtiġijiet lokali f’rekwiżiti u proġettwalità li jaqgħu fi ħdan il-pilastri abilitanti;

itejbu l-użu ta’ finanzjament pubbliku li ma jitħallasx lura u/jew self sussidjat għall-finanzjament ta’ inizjattivi li jaqgħu fil-pilastri abilitanti differenti;

jipprovdu appoġġ għall-istrutturar tal-aktar strumenti xierqa għall-akkwist u għal sħubija bejn il-pubbliku u l-privat, bil-għan li jiffavorixxu interazzjoni malajr, effiċjenti u effettiva mas-settur tan-negozju;

jiddefinixxu l-arkitettura finanzjarja l-aktar xierqa biex tiġi żgurata l-integrazzjoni bejn ir-riżorsi pubbliċi u dawk li l-investituri privati jistgħu jagħmlu disponibbli, b’kull garanzija addizzjonali possibbli mogħtija mill-FEIS.

5.8

Il-KESE jittama li t-twaqqif taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (European Investment Advisory Hub – EIAH), li għandu jiġi promoss fil-marġni tal-FEIS biex jgħin lill-Istati Membri jadottaw l-aktar miżuri xierqa biex jiffaċilitaw l-istabbiliment ta’ sensiela ta’ proġetti u jattivaw l-istrumenti kollha meħtieġa biex isir il-finanzjament tal-proġetti, jattiva sezzjoni speċjali għall-Bliet Intelliġenti b’dawk il-ħiliet u l-kompetenzi l-aktar xierqa biex ikun żgurat li l-aspetti kollha tal-proġetti jkunu kkunsidrati.

6.   Azzjonijiet ta’ parteċipazzjoni ċivika, ir-rwol tas-soċjetà ċivili u reviżjoni tal-qafas regolatorju għat-titjib tat-tfassil tal-politika

6.1

Il-KESE jenfasizza kif il-prekondizzjonijiet għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-mudell ta’ żvilupp integrat għall-Bliet Intellġenti qegħdin fil-bżonn ta’ viżjoni fit-tul min-naħa tal-istituzzjonijiet, bil-koinvolġiment tal-kategoriji interessati għall-proċess ta’ tibdil fis-seħħ (ċittadini, assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u msieħba soċjali); b’governanza effikaċi u innovattiva tal-proċessi konnessi għall-iżvilupp tal-Bliet Intelliġenti.

6.2

L-istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali u lokali involuti fil-proċess ta’ programmazzjoni strateġika tal-interventi favur Bliet Intelliġenti, ser jiġu mistiedna jadottaw viżjoni strateġika fit-tul għal dawn il-programmi. Il-mudell ta’ żvilupp integrat jista’ jintuża biex jibbilanċja l-ħtiġijiet tal-kategoriji kollha involuti, jiżgura l-aktar inklużività u jorbotha mas-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja tal-azzjonijiet.

6.3

Il-bliet se jkollhom rwol ta’ “ppjanar u superviżjoni strateġika” intelliġenti li għandu jafda fi tqabbil produttiv, strutturat u kontinwu bejn il-partijiet interessati differenti, tan-negozju, finanzjarji, soċjali u l-assoċjazzjonijiet industrijali, bil-kompitu tat-twettiq tal-azzjonijiet previsti b’tul ta’ żmien ċar u kapaċità li jadattaw għall-bidliet u l-iżviluppi.

6.4

L-iżvilupp tal-bliet lejn loġika Intelliġenti jista’ jseħħ biss jekk fil-bażi tiegħu ikun hemm tqabbil permanenti mas-soċjetà ċivili, li minnha tiġi l-koinvolġiment sħiħ tal-kategoriji li jirrappreżentaw l-interessi kollettivi, partikolari jew ġenerali, kemm fil-fażi tal-akkwist tal-bżonnijiet kif ukoll fit-trasformazzjoni tagħhom għal rekwiżiti u kif ukoll fil-monitoraġġ tal-effikaċja tal-interventi previsti għas-sodisfar tagħhom. Din l-azzjoni ta’ parteċipazzjoni ċivika għandha tiġi promossi fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali.

6.5

Għal dan il-għan, il-KESE jipproponi li:

l-inizjattiva “Bliet u Komunitajiet Intelliġenti – Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni” (ippreżentata mill-High Level Group of the European Innovation Partnership for Smart Cities and Communities, 14 ta’ Ottubru 2013 (http://ec.europa.eu/eip/smartcities/)) tiġi estiża għall-involviment tal-atturi tas-soċjetà ċivili, fosthom il-KESE, u l-atturi kollha fi ħdan il-qasam tas-sitt pilastri abilitanti tal-mudell ta’ Belt Intelliġenti propost, minbarra l-operaturi tas-soluzzjonijiet għall-mobilità, għall-ICT u l-kwistjonijiet ambjentali, li bħalissa huma diġà rrappreżentati;

kull Stat Membru jippromwovi l-ħolqien ta’ azzjonijiet ta’ promozzjoni li jinvolvu rappreżentanzi tas-soċjetà ċivili, fil-fażi tal-ħolqien tal-ħtiġijiet, ir-rekwiżiti u t-tfassil tal-istrateġiji, permezz tal-istabbiliment ta’ gruppi konsultattivi kemm fil-livell tal-“punti ta’ aċċess uniku finanzjarju u tekniku għall-Bliet Intelliġenti” kif ukoll fil-livell ta’ bliet individwali kkonċernati;

tkompli s-simplifikazzjoni u l-integrazzjoni tal-qafas regolatorju, permezz ta’ leġislazzjoni Ewropea komuni, preferibbilment f’forma ta’ direttiva sabiex tikseb:

reviżjoni tal-istrumenti tas-sħubijijiet pubbliċi-privati biex isiru aktar attraenti għan-negozji u biex tiġi estiża l-operattività anke għas-servizzi li huma l-fulkru tal-ekonomija diġitali;

titjib fl-istrumenti għall-akkwist innovattiv u ta’ akkwist prekummerċjali;

l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi omoġenji għall-amminstrazzjonijiet tal-muniċipalitajiet li jippermettu b’mod trasparenti li jibbenefikaw minn sehem mill-flussi ta’ flus li jirriżultaw minn servizzi ġodda bbażati fuq il-pjattaformi li se jiġu promossi fil-livell tal-Bliet Intelliġenti, bħal dawk li jirriżultaw mill-użu kummerċjali tal-open data, pubblika u privata, u tal-open services; iressquhom biex jerġgħu jinvestu parti mill-iffrankar iġġenerat u mid-dħul relatat mat-titjib tal-infrastruttura u l-forniment ta’ servizzi fit-tisħiħ u l-espansjoni ta’ proġetti aktar intelliġenti.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Komunikazzjoni tal-KE “Aġenda Urbana tal-UE”, COM(2014) 490 final; Opinjoni ECO/369; Opinjoni tal-KESE dwar “Aġenda Urbana tal-UE”,ĠU C 291, 4.9.2015, p. 54

(2)  L-Opinjonijiet tal-KESE dwar “Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew”ĠU C 311, 12.9.2014, p. 47; dwar “Industrija Ewropea Aktar b’Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku”ĠU C 327, 12.11.2013, p. 82; u dwar “Ritorn tal-Industriji fl-UE fil-qafas tal-proċess ta’ reindustrijalizzazzjoni”ĠU C 311, 12.9.2014, p. 15

(3)  Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni. Mapping Smart Cities in the EU, 2014 http://www.smartcities.at/assets/Publikationen/Weitere-Publikationen-zum-Thema/mappingsmartcities.pdf

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar “Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa”, ĠU C 268, 14.8.2015, p. 27

(5)  Komunikazzjoni tal-KE dwar “Is-Suq Uniku tat-Telekomunikazzjonijiet” COM(2013) 634 final; “Unjoni Ewropea tal-Enerġija” COM(2014) 520 final, COM(2015) 80 final u COM(2015) 82 final; “Suq Uniku tat-Trasport” COM(2014) 22 final.


17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) u l-impatt tagħha fuq l-SMEs”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 383/06)

Relatur:

is-Sinjura Emmanuelle BUTAUD-STUBBS

Korelatur:

is-Sur Panagiotis GKOFAS

Nhar il-11 ta’ Diċembru 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

It-TTIP u l-impatt tagħha fuq l-SMEs.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Ġunju 2015.

Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tat-2 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’187 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Minħabba l-importanza tal-SMEs fl-ekonomija Ewropea, il-KESE jqis essenzjali, b’mod partikolari fid-dawl tal-effetti fuq l-impjieg u d-deontoloġija, li ssir valutazzjoni tal-impatt li tispeċifika, għal kull settur u Stat Membru, il-konsegwenzi prevedibbli għall-SMEs Ewropej jekk tidħol fis-seħħ it-TTIP, skont it-termini attwali tan-negozjati.

1.2.

Iż-żewġ studji mwettqa mid-DĠ Kummerċ dwar l-SMEs, wieħed dwar l-isfidi u l-opportunitajiet għall-SMEs li jesportaw inġenerali (1), u l-ieħor aktar reċenti ta’ April 2015 li jikkonċerna b’mod partikolari l-SMEs u s-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) (2), ċertament huma utli, iżda ma jkoprux l-aspetti kollha. Dawn huma rilevanti biex jippreżentaw ċerti diffikultajiet relatati mal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs u l-ostakli li dawn jiffaċċjaw mil-lat kummerċjali u dak tar-regolamentazzjoni iżda ma jagħtux stampa preċiża, sostanzjata u elenkata fid-dettall, għal kull settur u Stat Membru, tal-impatt li jista’ jkollha t-TTIP fuq l-intrapriżi li jesportaw u dawk li ma jesportawx, li jkunu integrati fid-diversi ktajjen ta’ valur.

1.3.

Għaldaqstant, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea twettaq analiżi tal-impatt ġdida dwar l-SMEs u l-intrapriżi ż-żgħar ħafna (Very Small Enterprises – VSEs), il-mikrointrapriżi u l-professjonijiet liberi, kemm jekk jesportaw jew le, sabiex jitkejjel l-impatt potenzjali ta’ suq trans-Atlantiku integrat fis-setturi ta’ attività tagħhom (is-settur tal-agrikoltura u dak agroalimentari, it-turiżmu, l-artiġjanat, il-lukandi, l-industrija tal-forniment tal-ikel u x-xorb, il-manifattura, is-servizzi, eċċ.). Huwa essenzjali li jkun jista’ jiġi antiċipat kif dawn l-intrapriżi ser jintlaqtu mill-ftuħ ta’ suq trans-Atlantiku iktar integrat. It-TTIP ser iġġib magħha bidla fil-mudell ekonomiku tagħhom, il-metodi ta’ produzzjoni tagħhom, l-oqfsa regolatorji tagħhom, in-natura tas-servizzi jew l-istrateġiji tagħhom għall-investiment u l-impjieg fi ħdan il-qafas ta’ żona ġdida ta’ kompetizzjoni?

1.4.

Il-KESE jixtieq jieħu l-opportunità pprovduta min-negozjati mal-Istati Uniti sabiex isir monitoraġġ aħjar taż-żewġ politiki ta’ appoġġ għall-SMEs fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku permezz ta’ approċċ ibbażat fuq l-evidenza (eż. valutazzjoni komparattiva tal-akkwist pubbliku u l-SMEs, l-aċċess għall-finanzi u għall-kundizzjonijiet tas-suq tal-kapital, il-ġestjoni tad-diżastri, l-aċċess għall-informazzjoni tas-suq/rekwiżiti u l-istandards dwar in-negozji ż-żgħar (Small Business Standards)). Mingħajr l-ebda dubju, bis-saħħa ta’ din il-valutazzjoni komparattiva, jistgħu jiġu identifikati miżuri ġodda rilevanti fil-qasam tal-appoġġ għall-SMEs biex b’hekk tissaħħaħ l-implimentazzjoni tas-“Small Business Act” (SBA) għall-Ewropa. Il-Kumitat bħalissa qed iħejji Opinjoni dwar is-suġġett (INT/755) li ssegwi l-opinjonijiet preċedenti dwar l-istess suġġett. Huwa jqis li issa wasal iż-żmien li l-istituzzjonijiet Ewropej jikkunsidraw l-appell li sar mill-organizzazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tal-SMEs għal “SBA” legalment vinkolanti u koordinazzjoni akbar bejn il-politiki industrijali u kummerċjali. Jeħtieġ ukoll li n-netwerk tar-“Rappreżentanti tal-SMEs” jinbidel f’awtorità aktar effettiva u ġenwina ta’ koordinazzjoni, monitoraġġ u infurzar tal-politika tal-SMEs fis-suq intern, bl-appoġġ tal-ħtiġiet emerġenti tal-SMEs u s-soluzzjonijiet adatti għalihom.

1.4.1.

Il-kategorija nnifisha tal-SMEs fi ħdan l-UE hija waħda eteroġenja ħafna, b’perċentwal għoli ta’ intrapriżi żgħar ħafna b’inqas minn disa’ impjegati. Barra minn hekk, din id-distribuzzjoni tal-SMEs skont id-daqs tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor. L-istess jgħodd għall-professjonijiet liberi, regolati u mhux regolati. Minħabba l-preżenza qawwija ta’ mikrointrapriżi fil-kummerċ, l-industrija u l-artiġjanat, il-KESE jirrakkomanda li l-KE f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-aktar konċernati (inklużi instituti u universitajiet ta’ riċerka pubbliċi/privati), jorganizzaw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni fil-livell lokali u seminars ta’ taħriġ sabiex jinftiehmu aħjar id-diversi kapitoli tat-TTIP u s-setturi koperti, l-opportunitajiet involuti u l-punti relatati li jeħtieġ li jiġu ssorveljati.

1.4.2.

Il-professjonijiet liberi – regolati u mhux regolati – fl-UE għandhom karatteristiċi partikolari u jirrappreżentaw sistema ta’ servizzi sensittivi provduti fl-interess tal-klijent u tal-pubbliku inġenerali.

1.5.

Il-KESE bi pjaċir jinnota li hemm kapitolu dedikat għall-SMEs f’dawn in-negozjati iżda jixtieq li jittejjeb il-kontenut u, għalhekk, qed iressaq il-proposti tiegħu fis-sezzjoni dwar il-kummenti speċifi. Il-kontenut attwali propost mill-Kummissjoni Ewropea għandu jiġi supplementat f’għadd ta’ aspetti, inklużi l-arranġamenti għar-rappreżentanza tal-SMEs fil-Kumitat futur tal-SMEs u l-missjonijiet tiegħu.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra biex jintroduċu kapitolu għall-SMEs b’mod permanenti fin-negozjati kummerċjali attwali u futuri, fejn jiġu kkunsidrati l-interessi tal-SMEs tal-UE sabiex il-benefiċċji potenzjali jitwasslu f’reġjuni u swieq differenti.

Dan, flimkien mal-applikazzjoni tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” fil-politiki tal-kummerċ, jiggarantixxi li l-SMEs jistgħu u għandhom ikunu l-benefiċjarji u l-ewwel atturi tal-proċessi ta’ globalizzazzjoni.

1.6.

Il-KESE jitlob li r-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea għall-SMEs jiżgura li l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi jiġu rrappreżentati fil-proċess tan-negozjati b’mill-inqas siġġu speċifiku fil-bord konsultattiv (TTIP Advisory Board), sabiex jingħeleb n-nuqqas ta’ informazzjoni, jiġi ggarantit l-għarfien speċjalizzat neċessarju f’diversi setturi u għall-konformità ma’ trasparenza bażika dwar informazzjoni/data ta’ interess komuni. Jirrakkomanda wkoll li jinħolqu miżuri ta’ appoġġ għall-organizzazzjonijiet ekonomiċi, professjonali u settorjali tal-SMEs fil-programmi ta’ appoġġ u s-servizzi konsultattivi tagħhom lill-SMEs u ‘l-mikrointrapriżi, kif ukoll miżuri ta’ finanzjament, jekk ikun hemm bżonn, bil-kooperazzjoni tal-korpi interessati fil-qasam tax-xjenza u r-riċerka. Il-KESE jitlob li jkun hemm rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki uċ- ċertifikazzjoni fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika u li jkun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku fil-livelli kollha (inklużi l-istati federali, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet).

2.   Kummenti ġenerali

2.1.    L-importanza tal-SMEs fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku

Għalkemm l-Ewropej u l-Amerikani għandhom definizzjonijiet differenti, l-“SMEs” jiżguraw il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet ekonomiċi, il-valur miżjud u l-ħolqien tal-impjiegi, fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Din il-predominanza tfisser li mil-lat tal-valur miżjud u l-ħolqien tar-rabtiet, l-impatt kbir tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) fuq l-ekonomija ser ikun f’idejn l-SMEs u l-kapaċità tagħhom biex jaħtfu l-opportunitajiet biex jaħkmu swieq ġodda u jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida. Diversi studji juru li l-SMEs żviluppati fil-livell internazzjonali jwasslu għal iktar innovazzjoni, jikbru iktar malajr u joħolqu iktar impjiegi u impjiegi b’pagi aħjar.

2.1.1.   L-SMEs fi ħdan l-Unjoni, iżda ħafna drabi dawn ikunu VSEs

Fl-UE, intrapriża żgħira jew ta’ daqs medju hija intrapriża li timpjega anqas minn 250 persuna u li l-fatturat annwali tagħha ma jaqbiżx l-EUR 50 miljun. Skont l-istatistika tal-Kummissjoni Ewropea, l-UE għandha aktar minn 20 miljun SME, li jirrappreżentaw 98 % tal-intrapriżi kollha, 67 % tal-popolazzjoni attiva u 58 % tal-valur miżjud gross. Bejn l-2002 u l-2010, l-SMEs Ewropej ipprovdew 85 % tal-ħolqien tal-impjiegi fl-UE.

Skont l-aktar rapport reċenti tal-Kummissjoni Ewropea, l-SMEs jipprovdu 28 % tat-total tal-esportazzjonijiet diretti lejn l-Istati Uniti, u dan jirrifletti kemm jista’ jsir aktar progress. Hemm iktar minn 7 90  000 intrapriża Ewropea li jesportaw lejn pajjiżi li mhumiex parti mill-UE, 6 19  000 minnhom huma SMEs li 3 53  000 minnhom huma VSEs b’inqas minn 9 impjegati, li juri li d-daqs tagħhom ma jżommhomx milli jesportaw (3).

Għall-kuntrarju, il-proporzjon ta’ SMEs Ewropej li qed jesportaw lejn l-Istati Uniti bħalissa għadu dgħajjef: skont ir-rapport imsemmi hawn fuq hemm 1 50  000 li minnhom 65  000 għandhom inqas minn 9 impjegati. Dan il-proporzjon, inqas minn 1 % tal-SMEs Ewropej, li jgħoddu ‘l fuq minn 20 miljun, jidher baxx ħafna. Ħafna SMEs u VSEs ta’ ċerti pajjiżi (pereżempju l-Italja) jokkupaw pożizzjoni importanti f’termini ta’ numru ta’ intrapriżi li jinnegozjaw ma’ swieq tal-Istati Uniti. Madankollu, l-istatistika tal-Eurostat tqis biss l-esportazzjonijiet diretti u mhux l-esportazzjonijiet indiretti, jiġifieri li ħafna SMEs/VSEs b’sottokuntratt jew li joperaw “minn negozju għal negozju” (B2B) jipproduċu prodotti jew servizzi intermedji li mbagħad jiġu assemblati biex jiġu esportati lejn l-Istati Uniti. Din iċ-ċifra modesta hija dovuta wkoll għar-rwol importanti li jaqdu l-SMEs u l-VSEs fl-ekonomija Ewropea b’rabta mal-ekonomija lokali (l-ekonomija wiċċ imb’wiċċ), li mhumiex interessati li jesportaw jew jinvestu barra mill-pajjiż. Min-naħa l-oħra, hemm potenzjal għal avvanz sinifikanti għall-intrapriżi li għandhom il-potenzjal li jesportaw jew li diġà jesportaw lejn pajjiżi terzi oħra.

2.1.2.   L-SMEs fl-Istati Uniti, intrapriżi aktar strutturati

Fl-Istati Uniti, l-SMEs huma intrapriżi b’inqas minn 500 impjegat, u f’xi setturi, b’1  000 jew anke 1  500 impjegat (4). Dawn l-intrapriżi – li għalhekk jistgħu jkunu ħafna drabi ikbar mill-kontropartijiet tagħhom fl-Unjoni Ewropea – huma wkoll is-sinsla tal-ekonomija Amerikana. It-28 miljun SME fl-Istati Uniti jirrappreżentaw 99 % tal-intrapriżi kollha Amerikani, jimpjegaw aktar minn 50 % tal-ħaddiema tas-settur privat tal-Istati Uniti u jipprovdu 65 % tal-ħolqien nett ta’ impjiegi f’dan is-settur.

2.2.    L-importanza tat-TTIP għall-SMEs

2.2.1.

Minħabba d-daqs tagħhom, l-SMEs ħafna drabi jkunu żvantaġġati b’mod eċċessiv minħabba t-tariffi għoljin u r-rekwiżiti regolatorji li jaffettwaw il-kummerċ trans-Atlantiku peress li jeħtieġu aktar riżorsi u ħiliet mill-intrapriżi l-kbar biex jegħlbu l-ostakli kummerċjali mil-lat ta’ volum u ta’ valur. Għal dawn ir-raġunijiet, dawn ser jibbenefikaw mill-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tariffarja u mhux tariffarja previsti fil-Ftehim Trans-Atlantiku. Fl-Opinjoni tiegħu dwar “Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi kummerċjali u l-fehma tal-KESE dwar il-kooperazzjoni mtejba u ftehim ta’ kummerċ ħieles eventwali bejn l-UE u l-Istati Uniti”, il-KESE diġà għamel inventarju ta’ opportunitajiet u punti ta’ monitoraġġ tas-suġġetti kollha koperti min-negozjati (5).

2.2.2.

Wieħed mill-benefiċċji ewlenin mistennija mit-TTIP għall-SMEs jinsab fir-riżultati fil-qasam tal-kooperazzjoni regolatorja, li tista’ twassal għall-armonizzazzjoni u l-approssimazzjoni ta’ ċerti regoli u għar-rikonoxximent reċiproku tal-ispezzjoni u taċ-ċertifikazzjoni. Madankollu, f’din l-okkażjoni l-KESE jixtieq ifakkar dwar l-impenn sod taż-żewġ partijiet li t-TTIP mhux ser jintuża biex jitnaqqsu l-istandards tekniċi eżistenti. Għaldaqstant, tista’ tkun promettenti ħafna analiżi tal-valur miżjud li twassal mill-esperjenza tal-assoċjazzjoni Ewropea Small Business Standard (SBS), bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea fi sħubija mal-aktar organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs. Il-kooperazzjoni regolatorja għandha tkun trasparenti u tirrispetta l-awtonomija regolatorja tal-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea filwaqt li tinżamm il-kapaċità tagħhom li jadottaw miżuri li jidhrilhom xierqa bħall-ħarsien tas-saħħa, tal-konsumatur, tal-ħaddiema u tal-ambjent.

2.3.    L-iżvilupp tal-SMEs fil-livell internazzjonali

Skont id-WTO, l-iżvilupp tal-SMEs fil-livell internazzjonali jista’ jinqasam f’erba’ stadji:

l-esportazzjonijiet diretti lejn pajjiż barrani;

l-esportazzjonijiet bl-għajnuna ta’ professjonisti indipendenti barranin;

il-ħolqien ta’ sussidjarji barra mill-pajjiż;

l-istabbiliment ta’ infrastruttura barra mill-pajjiż biex jipproduċu u jbigħu fil-pajjiż fil-mira tal-esportazzjonijiet.

F’kull stadju, l-SMEs għandu jkollhom informazzjoni, kapaċitajiet ta’ konformità amministrattiva u riżorsi umani u finanzjarji addizzjonali, sa fejn ikun meħtieġ, qabel ma jibdew jesportaw prodotti u/jew servizzi, u jkollhom għarfien tajjeb tar-regoli tas-suq ikkonċernat. Huma għandhom imbagħad ikunu jistgħu jiżviluppaw strateġija fit-tul biex jistabbilixxu lilhom infushom fil-pajjiż tal-esportazzjoni u fl-aħħar mill-aħħar jintegraw bis-sħiħ permezz tal-intrapriżi lokali li jħaddmu r-riżorsi umani lokali b’konformità mar-regolamenti tal-post. Naturalment, l-ekonomija diġitali tista’ tgħin lill-SMEs biex jinternazzjonalizzaw ruħhom iktar malajr. L-espansjoni rapida tal-kummerċ elettroniku toffri lill-intrapriżi ż-żgħar opportunitajiet iktar estensivi ta’ negozju, inkluż fis-settur tal-prodotti għall-konsumatur (kummerċ bejn l-intrapriża u l-konsumaturi – B2C) u, għall-professjonijiet liberi, anke fis-settur B2B.

L-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea turi wkoll li hemm rabta bejn id-daqs tal-intrapriża u l-volumi esportati. L-SMEs jirrappreżentaw 81 % tal-intrapriżi li jesportaw, iżda biss 34 % tal-volumi esportati (6) iżda għandhom sehem ta’ aktar minn 50 % fi swieq speċjalizzati madwar id-dinja.

2.4.    Il-livell ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs fl-Istati Uniti u l-UE

Skont xi sorsi, l-SMEs Ewropej juru livell ogħla ta’ internazzjonalizzazzjoni minn dawk tal-Istati Uniti. Din id-differenza tista’ tiġi spjegata essenzjalment mill-parteċipazzjoni tal-SMEs Ewropej fis-suq intra-Ewropew, li l-iżvilupp tiegħu għadu ‘l bogħod milli jiġi kompletat: dan il-kummerċ jikkostitwixxi l-ewwel stadju tal-internazzjonalizzazzjoni tagħhom u, billi jtejbu l-għarfien tagħhom tas-swieq barranin, jgħinuhom ifittxu l-opportunitajiet barra mill-UE. Id-daqs ma jidhirx li jirrappreżenta fattur li jxekkel: f’ċerti Stati Membri, 90 % tal-intrapriżi li jesportaw huma SMEs u ċerti setturi, bħal dak tal-ħwejjeġ, is-settur agroalimentari, il-magni u l-għamara, huma partikolarment disposti għall-esportazzjoni.

Għalkemm l-istatistika dwar dan is-suġġett hija pjuttost skarsa u xi kultant diffiċli biex tiġi analizzata minħabba d-diversità fil-metodi u d-data li mhux dejjem tkun komparabbli, studji mwettqa għall-Kummissjoni Ewropea (7) juru li fl-UE 42 % tal-SMEs huma involuti f’xi forma ta’ internazzjonalizzazzjoni.

L-internazzjonalizzazzjoni ta’ intrapriża sikwit tkun marbuta ma’ fatturi bħal:

l-intensità tal-esportazzjoni tas-settur ta’ attività;

id-daqs tas-suq intern.

Il-livell ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej huwa ogħla f’setturi bħal dak tal-kummerċ bl-ingrossa, it-tħaffir fil-minjieri, il-manifattura u l-bejgħ tal-karozzi, filwaqt li huwa relattivament żgħir f’oqsma bħas-servizzi legali, il-bini, is-settur tal-ippjanar u l-iżvilupp u s-servizzi marbuta mas-saħħa tal-bniedem, li min-natura tagħhom huma aktar dipendenti mill-prossimità mal-klijent jew il-pazjent (8).

Skont studju Amerikan dwar din il-kwistjoni (9), l-SMEs jirrappreżentaw mat-30 % tal-esportazzjonijiet merkantili Amerikani identifikati, li s-swieq destinatarji prinċipali tagħhom huma l-Kanada u l-Messiku, jiġifieri kuntratti fil-qafas tan-NAFTA. Il-makkinarju u l-prodotti elettriċi u kimiċi huma fost il-kategoriji ewlenin tal-bejgħ barra l-pajjiż. Id-data li tikkonċerna l-esportazzjonijiet ta’ servizzi tal-SMEs Amerikani hija konċiża ferm iżda, skont xi stimi, is-servizzi professjonali jikkostitwixxu s-settur li jipprovdi parti sostanzjali tal-attività ta’ esportazzjoni Amerikana.

2.5.    Ir-rwol attwali tal-SMEs fin-negozjati trans-Atlantiċi ta’ kummerċ u ta’ investiment

Il-kummerċ trans-Atlantiku bilaterali huwa kkaratterizzat minn proporzjon għoli ta’ kummerċ bejn kumpaniji multinazzjonali. Minn dan isegwi li l-parti l-kbira ta’ dan il-kummerċ bilaterali speċifiku tikkonsisti minn fluss ta’ servizzi u ta’ merkanzija bejn il-gruppi, iżda wkoll il-kummerċ tal-liċenzji u d-drittijiet relatati mal-proprjetà intellettwali u movimenti ta’ kapital bejn il-kumpaniji prinċipali u s-sussidjarji tagħhom.

L-istudju tal-Kummissjoni dwar l-SMEs u t-TTIP jindika li l-SMEs jirrappreżentaw 28 % tal-esportazzjonijiet Ewropej f’dak li jirrigwarda l-volum fl-2012. Din iċ-ċifra hija aktar baxxa mill-medja tal-esportazzjonijiet tal-SMEs skont il-volum għas-swieq kollha barra mill-UE, li huwa ta’ 32 %. Din iċ-ċifra għandha wkoll titqies fid-dawl tal-perċentwal tas-suq tal-SMEs fost l-intrapriżi li jesportaw lejn l-Istati Uniti, li huwa ta’ 88 %, konsiderevolment ogħla mill-perċentwal tal-medja tal-SMEs li jesportaw barra l-UE, li hija ta’ 78 %. Dawn iċ-ċifri jikkonfermaw l-ipotesi li parti kbira tal-volum tal-esportazzjonijiet tiġi ġġenerata minn kummerċ bejn il-gruppi, u hawn jinstab il-potenzjal li jista’ jirrappreżenta ftehim trans-Atlantiku biex tingħata spinta lill-esportazzjonijiet u lill-investiment tal-SMEs Ewropej. Madankollu, għandu jiġi nnutat li din iċ-ċifra ma tqisx l-esportazzjonijiet indiretti tal-SMEs Ewropej li, bħala sottokuntratturi u manifatturi ta’ prodotti nofshom lesti, ikunu involuti fit-tħejjija ta’ prodotti lesti kumplessi esportati lejn l-Istati Uniti. Fil-livell tal-Istati Membri, hemm differenza kbira fl-għadd ta’ SMEs li jesportaw u l-volumi esportati.

M’għandna l-ebda ċifra eżatta għan-numru ta’ SMEs Amerikani li jesportaw lejn l-UE u l-volum ta’ dawn l-esportazzjonijiet. Madankollu, l-SMEs fl-Istati Uniti jirrappreżentaw 33 % tal-esportazzjonijiet Amerikani (10), jiġifieri proporzjon viċin ħafna għal dak osservat fl-Unjoni Ewropea.

2.6.    L-ostakli ewlenin li jiffaċċjaw l-SMEs

Minħabba d-daqs tagħhom, l-SMEs jiffaċċjaw b’mod ġenerali aktar diffikultajiet biex jippenetraw is-swieq barranin, biex ikopru l-ispejjeż addizzjonali minħabba l-volumi baxxi tal-kummerċ u biex jadattaw għar-regolamenti lokali. Skont Sergio Arzeni, Direttur taċ-Ċentru għall-Intraprenditorija, l-SMEs u l-Iżvilupp Lokali tal-OECD, l-ispejjeż għall-konformità jistgħu jkunu proporzjonalment minn għaxar sa tletin darba ogħla għall-SMEs milli għall-intrapriżi l-kbar (11).

Fi ftit kliem, jista’ jingħad li l-SMEs, huma u jinternazzjonalizzaw ruħhom, jiffaċċjaw diffikultajiet li jirriflettu d-daqs żgħir u r-riżorsi limitati tagħhom, li jeħtieġ li jegħlbu saħansitra qabel ma jiġu indirizzati l-ostakli speċifiċi għall-kummerċ jew l-investiment, bħal:

l-ostakli b’rabta mal-aċċess għall-finanzjament tal-esportazzjonijiet;

in-nuqqas ta’ informazzjoni u data aġġornata dwar ir-rekwiżiti relatati ma’ prodotti/servizzi;

l-għarfien insuffiċjenti tas-suq li fih jixtiequ jbigħu l-prodotti jew is-servizzi tagħhom (stħarriġ tas-suq);

id-diffikultajiet biex isibu klijenti potenzjali u biex jiġu f’kuntatt magħhom;

persunal mingħajr it-taħriġ adegwat biex jamministra żvilupp internazzjonali jew biex jistabbilixxi kuntatti ma’ investituri jew importaturi;

nuqqas ta’ inċentivi u appoġġ mill-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll ċertu piż amministrattiv tal-politiki pubbliċi ta’ appoġġ;

l-ostakli kulturali u lingwistiċi;

regolamentazzjoni u sistemi inkonsistenti għall-adattament u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-awtorizzazzjonijiet kummerċjali.

L-ewwel ħtieġa tal-SMEs hi li, filwaqt li jitqiesu n-nuqqasijiet imsemmija, ikollhom servizzi adattati ta’ appoġġ u ta’ konsulenza (segwitu individwali (coaching) u mentoring) li jiġu provduti b’mod ġenerali mill-organizzazzjonijiet professjonali u settorjali tagħhom.

Fir-rigward tal-ostakli għall-kummerċ u l-investiment li jħabbtu wiċċhom magħhom l-intrapriżi Ewropej fl-Istati Uniti, jidher relattivament diffiċli biex dawn jiġu klassifikati minħabba li l-intrapriżi ta’ spiss jiddeskrivu l-ostakli ffaċċjati u mhux bilfors jikklassifikawhom f’kategorija speċifika. Hemm ukoll differenza bejn l-ostakli perċepiti mill-intrapriżi li ma jesportawx u l-ostakli reali li jiltaqgħu magħhom l-intrapriżi li jesportaw. Madankollu, permezz ta’ diversi studji u stħarriġ li saru (12), huwa possibbli li wieħed jiddeskrivi l-ostakli ewlenin kif ġej:

il-livelli differenti ħafna tar-responsabbiltà u l-possibbiltà li tinħareġ assigurazzjoni bi prezzijiet konformi mas-suq;

l-ispejjeż tal-esportazzjoni (minbarra d-dazju doganali) bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tat-trasport, it-tul u l-kumplessità tal-formalitajiet doganali u l-ħtieġa li jkollhom jew li jħallsu aġent fid-dwana u, b’mod partikolari fl-Istati Uniti, assigurazzjoni kontra l-possibbiltà ta’ riżarċiment tad-dannu għal responsabbiltà (liability claims);

id-diffikultajiet fl-aċċess għall-kreditu għall-esportazzjoni;

it-taxxi u d-dazji doganali, li għadhom ostaklu kbir għal ċerti setturi bħat-tabakk, it-tessuti u l-ħwejjeġ;

il-kumplessità tar-regoli dwar l-oriġini u l-ispiża taċ-ċertifikati ta’ oriġini;

il-konformità mar-regoli tekniċi jew sanitarji u fitosanitarji differenti u ċ-ċertifikazzjonijiet u l-ispezzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn ir-regoli;

ir-regolamenti tekniċi u sanitarji meħtieġa biss f’ċerti Stati Amerikani jew regoli diverġenti bejn l-Istati;

ir-rekwiżiti differenti f’dak li jirrigwarda l-kwalifiki u r-restrizzjonijiet tal-attività f’ċerti Stati federali individwali u f’ċerti distretti regolatorji lokali;

il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ rispett għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u regoli differenti relatati mal-marki kummerċjali u l-privattivi;

l-ispiża tal-protezzjoni legali u s-sorveljanza tas-suq għall-intrapriżi Ewropej li jkollhom indikazzjonijiet ġeografiċi;

ir-restrizzjonijiet fuq l-akkwist pubbliku minħabba l-“Buy American Act” (Att dwar ix-xiri ta’ prodotti Amerikani) u t-tibdil regolari intiż biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu;

il-kumplessità tal-proċeduri għall-viżi, il-permessi ta’ residenza, ta’ xogħol u tal-eżerċitar ta’ attività fl-Istati Uniti;

ir-restrizzjonijiet jew il-liċenzji meħtieġa fil-livell federali jew fil-livell tal-Istati federati għal ċerti fornituri ta’ servizzi.

Dawn l-ostakli mhumiex speċifiċi għall-SMEs, iżda l-impatt tagħhom huwa aktar b’saħħtu u aktar dissważiv. Fit-TTIP, ħafna minnhom ser jiddaħħlu f’kapitoli speċifiċi li ser ikunu applikabbli għall-intrapriżi kollha mingħajr distinzjoni. Għalhekk, il-kapitolu dwar l-SMEs previst fit-TTIP ser ikollu għan pjuttost limitat: il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-SMEs kollha fis-suq trans-Atlantiku, permezz tal-għoti ta’ informazzjoni rilevanti u kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet pubbliċi inkarigati mill-SMEs.

2.7.    Ħtiġiet ta’ appoġġ għall-SMEs

2.7.1.

L-ewwel ħtieġa tal-SMEs, b’mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi, filwaqt li jitqiesu l-ostakli li jiffaċċjaw u r-riżorsi limitati tagħhom, hija li jkollhom servizzi adatti ta’ appoġġ u ta’ konsulenza, anke fir-rigward tat-taħriġ tal-impjegati (segwitu individwali (coaching) jew mentoring) li jiġu provduti b’mod ġenerali mill-organizzazzjonijiet ekonomiċi, professjonali u settorjali tagħhom. Jeħtieġ li jiġi żgurat li dawn l-organizzazzjonijiet ikollhom ir-riżorsi loġistiċi neċessarji biex ikunu jistgħu jinfurmaw u jagħtu parir lill-intrapriżi u jappoġġjawhom b’mod individwali, b’mod partikolari bl-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE).

2.7.2.

Minbarra s-servizzi ta’ appoġġ u konsulenza adattati għal kull SME skont il-ħtiġiet u l-ispeċifiċitajiet tagħhom, l-intrapriżi għandu jkollhom il-mezzi meħtieġa għall-finanzjament tal-investimenti tanġibbli u intanġibbli tagħhom. Għal dan l-għan, minbarra l-FSIE, il-KESE jirrakkomanda li l-istrumenti finanzjarji tal-Programm COSME, inkluż il-kapital ta’ riskju u l-iskemi ta’ garanzija, ikunu aċċessibbli faċilment għall-SMEs, inklużi dawk lesti jinvestu fis-swieq tal-Istati Uniti.

2.7.3.

L-UE għandha tindirizza l-offerta tal-assigurazzjoni għall-esportazzjoni tal-prodotti u s-servizzi u tkompli tiżviluppa offerti kompatibbli mas-suq.

2.8.    Il-kapitolu attwali dwar l-SMEs fit-TTIP

Il-KESE bi pjaċir jinnota li hemm kapitolu dedikat b’mod esklużiv għall-SMEs fit-TTIP iżda jixtieq li jittejjeb il-kontenut tiegħu (ara l-proposti fis-sezzjoni dwar il-kummenti speċifiċi). Il-proposta tal-Unjoni Ewropea biex fit-TTIP tinkludi test legali dwar “L-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju” tressqet għad-dibattitu mal-Istati Uniti matul iċ-ċiklu tan-negozjati li sar mid-19 sat-23 ta’ Mejju 2014. Dan huwa kapitolu mingħajr preċedent għall-UE fi ftehim ta’ kummerċ ħieles. It-test sar pubbliku fis-7 ta’ Jannar 2015 (13). Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jieħdu l-forma ta’ Kapitolu X dedikat għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u jindirizzaw diversi kwistjonijiet bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-kummerċ u li jiġu skambjati prattiki tajbin.

2.8.1.   Kooperazzjoni fir-rigward tal-SMEs

Il-partijiet interessati għandhom jaqsmu l-informazzjoni bejniethom, joħolqu u jagħmlu disponibbli għodda u riżorsi fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jikkomunikaw il-prattiki regolatorji tajbin, jappoġġjaw il-miżuri favur l-intrapriżi u jħeġġu l-kapital ta’ riskju u investiment fl-intrapriżi ż-żgħar biex jistimolaw il-kompetittività tal-SMEs fil-kummerċ dinji.

2.8.2.   Id-data tas-suq u l-iskambju tal-informazzjoni

Il-proposta attwali dwar l-Artikolu X(2) tikkonċerna l-iskambju tal-informazzjoni bejn il-partijiet interessati. Huwa rakkomandat li jinħoloq sit tal-Internet li jkollu t-tagħrif l-aktar rilevanti (bħat-test tas-Sħubija Trans-Atlantika, ir-regolamenti tad-dwana, reġistru tar-regolamenti tekniċi fis-seħħ, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-proċeduri għar-reġistrazzjoni tal-intrapriżi). Il-programm għall-armonizzazzjoni tad-data dwar l-aktar oqsma ta’ interess rilevanti għall-SMEs għandu jkun soġġett għal analiżi konġunta mwettqa minn Task Force ad hoc ta’ esperti tal-UE u l-Istati Uniti.

Il-partijiet interessati għandhom jiżviluppaw bażi tad-data onlajn li jkun fiha l-kodiċijiet tan-nomenklatura doganali u r-rati tad-dazju kollha, ir-regoli ta’ oriġini u d-dispożizzjonijiet dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini, bil-lingwi kollha tal-UE.

2.8.3.   Servizz ta’ għajnuna teknika

It-test propost mill-Kummissjoni Ewropea jsemmi punt waħdieni ta’ informazzjoni (Artikolu X(2)(c)). Il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jappella wkoll għall-ħolqien ta’ servizz bħal dan. Sottonetwerk estiż ta’ punti ta’ informazzjoni bħal dawn, appoġġjat minn organizzazzjonijiet rappreżentattivi u affidabbli tal-SMEs b’kuntatti stabbiliti fl-ambjenti tan-negozju tal-UE u tal-Istati Uniti, jista’ jiggarantixxi ċertu impatt u kontribut akbar mill-awtoritajiet differenti u minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati.

2.8.4.   Ħolqien ta’ Kumitat tal-SMEs

Abbozz ta’ Artikolu X(4) għandu l-għan li jistabbilixxi Kumitat Trans-Atlantiku.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.    Il-kejl tal-impatt tad-differenzi fid-definizzjoni ta’ SME

L-Ewropej u l-Amerikani ma jinterpretawx bl-istess mod il-kunċett ta’ “SME” b’differenza possibbli ta’ mhux iżjed minn 250 u 1  000 impjegat. Barra minn hekk, fl-Istati Uniti, id-definizzjoni ta’ SME tvarja skont is-setturi ta’ attività (14); din id-definizzjoni tirreferi prinċipalment għall-kumpaniji li jimpjegaw inqas minn 500 persuna, iżda f’ċerti setturi ta’ attività jistgħu jinkludu sa 750, jew anke elf impjegat. Fil-biċċa l-kbira tal-oqsma, mhumiex definiti mil-lat tal-fatturat jew tal-karta tal-bilanċ totali annwali tagħhom.

Il-KESE jitlob lis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea biex jistabbilixxu tabella dettaljata tad-definizzjoni tal-SMEs fl-Istati Uniti, settur b’settur, u, primarjament, biex jibdew il-ħidma biex jivverifikaw li dawn id-differenzi fid-definizzjoni ma jkunux ta’ ħsara għall-SMEs Ewropej li huma iżgħar.

3.1.1.

Il-professjonijiet liberi, regolati u mhux regolati, jirrappreżentaw tip partikolari ta’ SME li jeżisti f’diversi forom u gradi fl-Istati Membri kollha tal-UE. Huma joffru prodotti u servizzi bbażati fuq għarfien speċjalizzat, jistennew li l-klijenti tagħhom ikollhom fiduċja fihom u huma soġġetti għal rekwiżiti speċjali fir-rigward tal-indipendenza tagħhom. Minbarra l-importanza tagħhom bħala msieħba ekonomiċi, huma parti essenzjali tal-mudell soċjetali Ewropew.

3.2.    Valutazzjoni u monitoraġġ tal-impatt ta’ suq trans-Atlantiku estiż għall-intrapriżi li jesportaw u dawk li ma jesportawx

Minħabba l-importanza tal-SMEs fl-ekonomija Ewropea, il-KESE jqis essenzjali, b’mod partikolari fid-dawl tal-effetti fuq l-impjieg, li jitfassal pjan bil-għan li ssir valutazzjoni tal-impatt li tispeċifika b’mod preċiż, għal kull settur u Stat Membru, il-konsegwenzi prevedibbli għall-SMEs Ewropej jekk tidħol fis-seħħ it-TTIP, skont it-termini attwali tan-negozjati. Jeħtieġ li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt ex-ante u ex-post dwar l-SMEs/il-VSEs, il-mikrointrapriżi u l-professjonijiet liberi, sew jekk jesportaw sew jekk le, sabiex jitkejjel l-impatt potenzjali tal-ħolqien ta’ suq trans-Atlantiku.

Il-Parlament Ewropew diġà wera interess fl-impatt tat-TTIP fuq l-industriji tal-manifattura u s-suq tal-enerġija u kkonkluda li ser ikun hemm impatt pożittiv iżda li jvarja skont is-setturi ta’ attività (15). Madankollu, l-impatt fuq setturi ta’ attività oħra, marbuta aktar mill-qrib mal-ekonomija lokali (l-agrikoltura, it-turiżmu, l-artiġjanat, il-lukandi, teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), l-industrija tal-forniment tal-ikel u x-xorb, il-manifattura, ix-xogħol indipendenti, is-servizzi, il-professjonijiet liberi, eċċ.) ma ġiex studjat speċifikament.

Jeħtieġ li ċ-ċikli ta’ negozjati li jmiss tat-TTIP jiksbu riżultati ambizzjużi għas-settur agrikolu, b’enfasi speċjali fuq l-aċċess għas-suq, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-miżuri sanitarji u fitosanitarji. Huwa imperattiv li jiġu preservati l-istandards għolja fis-seħħ fl-UE dwar is-sigurtà tal-ikel u s-saħħa tal-annimali u tal-bniedem.

Huwa essenzjali li jkun jista’ jiġi antiċipat kif dawn l-intrapriżi ser jiġu affettwati mill-ftuħ ta’ suq trans-Atlantiku iktar integrat. It-TTIP ser iġġib magħha bidla fil-mudell ekonomiku tagħhom, il-metodi ta’ produzzjoni tagħhom, in-natura tas-servizzi jew l-istrateġiji tagħhom għall-investiment u l-impjieg fi ħdan il-qafas ta’ żona ġdida ta’ kompetizzjoni? Jeħtieġ ukoll li jiġu previsti miżuri u politiki ta’ adattament li permezz tagħhom l-SMEs Ewropej kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw kemm jista’ jkun mit-TTIP.

3.3.    Livell limitu de minimis ġdid għall-għajnuna lill-SMEs/VSEs biex “jittestjaw” is-suq fuq skala żgħira ħafna

Taħt il-limitu previst għal-limiti de minimis, ma ġiet imposta l-ebda liġi jew taxxa u l-proċeduri ta’ approvazzjoni doganali, inklużi r-rekwiżiti tad-data, huma minimi.

Hemm domanda mingħand il-Kunsill tal-Atlantiku u, b’mod ġenerali, rieda mill-Istati Uniti biex il-limiti fis-seħħ jogħlew għal USD 800 għall-pakketti mibgħuta mill-intrapriżi ż-żgħar lejn l-Istati Uniti jew l-Unjoni Ewropea – il-livelli attwali huma rispettivament USD 200 u EUR 150. Fl-UE, anke jekk il-prodotti jkunu eżentati mid-dazji doganali, il-VAT trid tinġabar għall-kunsinni ta’ valur ta’ aktar minn EUR 10 jew EUR 22 (skont l-Istat Membru).

Jekk jogħlew il-limiti de minimis għall-vjaġġaturi li jaslu bl-ajru u għall-pakketti, speċjalment fis-settur tal-prodotti għall-konsumatur, dan jgħin lill-SMEs, b’mod partikolari l-istart-ups ġodda, jibdew jesportaw fuq skala żgħira jew jużaw il-kummerċ elettroniku mingħajr ma jkollhom iħallsu dazji doganali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà ta’ din it-talba (impatt fuq id-dħul mid-dwana, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, eċċ.). Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropea biex toħloq bażi tad-data dwar “L-10 affarijiet li għandek tkun taf dwar il-kummerċ elettroniku” (16) (10 things to know when doing business online) għall-operaturi Ewropej li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn Stati Membri oħra tal-UE. Il-Kumitat jemmen li bażi tad-data bħal din tista’ tiġi adattata wkoll għall-kummerċ trans-Atlantiku.

3.4.    Aċċess meħtieġ għall-informazzjoni rilevanti kollha permezz ta’ portal multilingwi

Il-KESE jappoġġja t-talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħolqien ta’ portal għall-SMEs u jixtieq jagħmel dawn it-talbiet:

l-informazzjoni kollha għandha tkun disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

is-software għandu jkun kemm jista’ jkun sempliċi u faċli biex jintuża;

kampjun ta’ SMEs fl-UE għandhom jittestjaw il-funzjonament tal-bażi tad-data biex jiġi żgurat li din l-għodda tindirizza l-ħtiġiet tagħhom;

il-bażi ta’ data għandha tinkludi wkoll interfaċċja umana b’tim responsabbli biex iwieġeb għal mistoqsijiet fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-SMEs u t-TTIP juri b’mod ċar li proporzjon kbir tal-intrapriżi, filwaqt li jafu l-miżuri kollha li japplikaw għall-esportazzjonijiet tagħhom, ma jistgħux ikunu jafu jekk jittrattawx miżuri federali, miżuri tal-Istati federali jew standards privati. Għalhekk huwa importanti li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jidentifikaw regolarment liema proċeduri u regolamenti huma kkunsidrati bħala partikolarment diffiċli għall-SMEs u jipprevedu forom speċifiċi ta’ spjegazzjoni u deskrizzjoni ta’ xi jrid isir biex jikkonformaw mar-rekwiżiti.

3.5.    Kumitat li jirrappreżenta l-SMEs, bi prerogattivi preċiżi

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon li d-djalogu diġà eżistenti ġie istituzzjonalizzat mill-awtoritajiet responsabbli għall-SMEs fil-livell Ewropew u dak Amerikan. Madankollu, iqis li huwa neċessarju li jkun hemm rappreżentanza adegwata tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs fid-djalogu trans-Atlantiku dedikat għalihom u li l-kompożizzjoni tal-Kumitat futur tal-SMEs ma tkunx limitata biss għall-amministrazzjonijiet nazzjonali iżda tinfetaħ għall-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs/il-VSEs u l-mikrointrapriżi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Ċerti dispożizzjonijiet regolatorji għall-SMEs ser ikollhom impatt sinifikanti wkoll fuq l-impjegati tagħhom u l-konsumaturi tal-prodotti tagħhom. Għaldaqstant, ir-rappreżentanti ta’ dawn il-gruppi ta’ interess ukoll għandhom ikunu preżenti bħala konsulenti fil-Kumitat futur tal-SMEs sabiex, sa mill-bidu nett, l-interessi tagħhom jiġu kkunsidrati kif imiss.

Il-KESE jipproponi li l-Kumitat futur tal-SMEs ikollu l-kompiti li ġejjin: il-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-TTIP għall-SMEs/il-VSEs u l-mikrointrapriżi u tal-effetti tagħhom fuq l-impjegati tagħhom u l-konsumaturi tal-prodotti għhom; it-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt; it-tressiq tal-proposti biex jiġu solvuti d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs/il-VSEs u l-mikrointrapriżi u l-impjegati tagħhom u l-konsumaturi tal-prodotti tagħhom; l-organizzazzjoni tal-komunikazzjoni lejn dawn l-intrapriżi, eċċ.

3.6.    Kampanja ta’ informazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali

Huwa essenzjali li l-SMEs ikollhom aċċess għall-informazzjoni korretta biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet kummerċjali l-ġodda pprovduti mit-TTIP, f’dak li għandu x’jaqsam mal-eliminazzjoni tat-tariffi doganali, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ jew il-kooperazzjoni regolatorja, sabiex ikun hemm approssimazzjoni jew rikonoxximent reċiproku tal-valutazzjonijiet ta’ konformità, tal-kwalifiki u tar-regolamenti fil-qasam tal-liġi tax-xogħol.

Din l-informazzjoni ma tistax titwassal biss permezz tas-siti tal-Internet. Sabiex l-SMEs ikunu jafu iktar dwar l-istrumenti u l-inizjattivi ta’ appoġġ pubbliku li huma disponibbli u jifhmuhom aħjar, għandha tiġi implimentata kampanja ta’ informazzjoni, immirata lejhom, li tlaqqa’ speċjalisti tal-kummerċ internazzjonali u esperti fl-esportazzjoni u l-investiment fl-Istati Uniti. B’mod ġenerali dawn għadhom mhux qed jagħtu kas l-għodod eżistenti li jistgħu jgħinu l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom, bħall-bażi tad-data dwar l-Aċċess għas-Swieq u n-Netwerk Enterprise Europe. Biex jirnexxilhom jinternazzjonalizzaw u jiżviluppaw ruħhom f’pajjiż barrani, iridu jibdew billi jagħmlu sforz f’pajjiżhom; għalhekk, jeħtieġ li joqgħodu attenti għar-riżorsi u l-għajnuna li jistgħu jingħatawlhom fil-livell tal-Istati Membri, u, possibbilment, tal-UE.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jinħoloq netwerk ta’ assoċjazzjonijiet ta’ SMEs Ewropej u Amerikani, bil-għan li jippromovu t-TTIP, abbażi ta’ approċċ ġenwin “minn isfel għal fuq”.

3.7.    Tisħiħ tal-politika Ewropea favur l-SMEs

3.7.1.

Huwa importanti li t-TTIP ma titqiesx bħala mod biex iżżarma t-trattament preferenzjali riżervat għall-SMEs fil-qafas tal-kuntratti tal-akkwist pubbliku fil-livell lokali u reġjonali. It-TTIP għandha żżomm dawn il-prijoritajiet, sakemm dawn japplikaw mingħajr distinzjoni għall-SMEs Ewropej u dawk Amerikani.

3.7.2.

Barra minn hekk, huwa essenzjali li, fil-proċess tan-negozjati, kif ukoll fil-kooperazzjoni regolatorja, il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” ikun rispettat, b’tali mod li l-prijoritajiet u r-realtajiet tal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi jiġu kkunsidrati mill-bidu tal-proċess leġislattiv u li jiġu salvagwardjati l-interessi speċifiċi tagħhom. Għal dan l-għan, il-KESE jitlob li l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi jiġu rappreżentati speċifikament fil-bord konsultattiv (TTIP Advisory Board).

3.7.3.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni regolatorja, għandu jkun jista’ jiġi offrut appoġġ imfassal apposta għall-SMEs, partikolarment l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi biex jgħinhom jikkonformaw mar-regolamenti.

3.7.4.

Għandu jiġi enfasizzat li numru kbir ta’ intrapriżi li x’aktarx jinvestu fis-suq trans-Atlantiku jew jesportaw lejh huma intrapriżi li jinnovaw u jeħtieġu regoli stretti u komprensibbli għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-Unjoni Ewropea.

3.7.5.

F’dak li għandu x’jaqsam mas-settur agroalimentari, jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-intrapriżi li jibbażaw il-produzzjoni tagħhom u l-proċessi relatati fuq kunsiderazzjonijiet etiċi, kulturali u ambjentali. Huwa essenzjali li jkompli jitrawwem il-kummerċ ta’ dawn il-prodotti li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli. Jeħtieġ ukoll li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, li jirrappreżentaw garanzija għall-konsumaturi, kemm dwar l-oriġini tal-prodott kif ukoll il-metodi ta’ produzzjoni. L-UE ilha għal snin issegwi politika ta’ kwalità għall-prodotti tagħha: din hija waħda mir-raġunijiet ewlenin li tagħti vantaġġ kompetittiv lill-produtturi tal-UE, tagħti kontribut sinifikanti għall-preservazzjoni tat-tradizzjoni kulturali u gastronomika tagħha, u tappoġġja l-iżvilupp rurali permezz ta’ politiki ta’ għajnuna għas-swieq u għad-dħul tal-produtturi.

3.7.6.

F’Opinjoni oħra l-KESE jeżamina l-esperjenzi relatati mas-“Small Business Act” (SBA) fl-Istati Uniti u fl-UE biex jinftiehmu sew il-benefiċċji li s-Small Business Act Amerikan joffri lill-SMEs Amerikani fir-rigward tal-aċċess għall-akkwist pubbliku jew għall-finanzjament, pereżempju. Dan ser jagħmel possibbli li, fi żmien propizju, jiġi propost titjib u metodi ta’ ħidma iżjed effiċjenti f’dak li jirrigwarda l-SBA għall-Ewropa, biex isir aktar favorevoli għall-SMEs Ewropej u aktar vinkolanti.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Nota tal-Ekonomista Prinċipali tad-DĠ Kummerċ “SMEs are more important than you think! Challenges and opportunities for EU exporting SMEs” (http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/september/tradoc_152792.pdf).

(2)  “Small and Medium Sized Entreprises and the Transatlantic Trade and Investment Partnership” (http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/april/tradoc_153348.pdf).

(3)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(4)  https://www.sba.gov/sites/default/files/files/Size_Standards_Table.pdf

(5)  ĠU C 424, 26.11.2014, p. 9.

(6)  Ara nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(7)  L-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs – Rapport finali 2010. Annual report on European SMEs 2013/2014 (Rapport annwali 2013/2014 dwar l-SMEs Ewropej) (http://ec.europa.eu/growth/smes/business-friendly-environment/performance-review/files/supporting-documents/2014/annual-report-smes-2014_en.pdf, p. 62).

(8)  Ara nota 7 f’qiegħ il-paġna.

(9)  USITC, “Small and Medium-Sized Enterprises: Overview of Participation in U.S. Exports” (Il-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti), 2010 (http://www.usitc.gov/publications/332/pub4125.pdf).

(10)  “The Transatlantic Trade and Investment Partnership – Big Opportunities for Small Business” (Opportunitajiet kbar għall-intrapriżi ż-żgħar), Atlantic Council (http://www.atlanticcouncil.org/images/publications/TTIP_SME_Report.pdf, p. 3).

(11)  OMC, wt/COMTD/AFT/W/53, p. 23.

(12)  “The Transatlantic Trade and Investment Partnership – Big Opportunities for Small Business” (Opportunitajiet kbar għall-intrapriżi ż-żgħar), Atlantic Council, (http://www.atlanticcouncil.org/images/publications/TTIP_SME_Report.pdf, p. 3); “Small and Medium Sized Entreprises and the Transatlantic Trade and Investment Partnership” (L-SMEs u t-TTIP) (http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/april/tradoc_153348.pdf); “Small companies in a big market” (Kumpaniji żgħar f’suq kbir) (http://www.svensktnaringsliv.se/english/publications/small-companies-in-a-big-market-how-a-free-trade-agreement-betwee_611404.html).

(13)  http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/january/tradoc_153028.pdf

(14)  https://www.sba.gov/sites/default/files/files/Size_Standards_Table.pdf

(15)  Kumitat ITRE “TTIP impact on European Energy markets and manufacturing industries” (L-impatt tat-TTIP fuq is-swieq Ewropej tal-enerġija u l-industriji tal-manifattura), 2015 (http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/536316/IPOL_STU(2015)536316_EN.pdf).

(16)  https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/dem/watify/selling-online?language=en


17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-objettivi għal wara l-2015 fir-reġjun Ewro-Mediterranju”

(opinjoni fuq inizjttiva proprja)

(2015/C 383/07)

Relatur:

is-Sinjura An LE NOUAIL MARLIÈRE

Nhar it-22 ta’ Jannar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-objettivi għal wara l-2015 fir-reġjun Ewro-Mediterranju

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Ġunju 2015.

Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tal-1 ta’ Lulju 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’57 vot favur, 22 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran u lill-UE biex jivvalidaw l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG – Sustainable Development Goals) konklużi billi jirratifikaw il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti.

1.2.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran u lill-UE biex jipproteġu bil-qawwa l-investimenti pubbliċi meħtieġa biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

1.3.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran u lill-UE biex iwettqu l-implimentazzjoni bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u t-territorji fil-livell lokali, kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadini.

1.4.

Il-Kumitat jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin u Relazzjonijiet Internazzjonali tas-26 ta’ Mejju 2015 u tar-rapport annwali tal-2015 tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impenji u r-riżultati tal-UE u tal-Istati Membri għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp.

1.5.

Jiddispjaċih, madankollu, li l-UE tistipola l-2030 biex tintlaħaq il-mira ta’ 0,7 % tal-PDG (1).

1.6.

Il-Kumitat jappoġġja l-intenzjoni tal-UE biex issaħħaħ l-aspetti mhux finanzjarji (ratifika ta’ strumenti legali internazzjonali, il-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja).

1.7.

Huwa jħeġġiġha biex tippreżenta pożizzjoni koerenti bejn l-interessi tal-kummerċ bilaterali, plurilaterali u multilaterali u l-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli sabiex tiġi ppreservata l-kredibilità tal-objettivi fir-rigward tal-għajnuna Ewropea.

1.8.

Il-Kumitat jirrakkomanda l-estensjoni tad-djalogu bejn l-imsieħba soċjali u l-istituzzjonijiet Ewropej għal taħriġ vokazzjonali u tagħlim tul il-ħajja, li għalih huwa ġie mistieden jipparteċipa u li huwa kkontribwixxa biex jitwaqqaf (2), kif ukoll il-programmi ta’ azzjoni fil-qasam.

1.9.

Il-Kumitat jitlob li r-rakkomandazzjonijiet jiġu inklużi fil-programm tal-UE u fil-politika tal-viċinat tagħha: koerenza bejn il-politika kummerċjali, esterna, tal-iżvilupp, ta’ finanzjament u tal-ħarsien tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, f’konformità mal-impenji tal-Viċi President, Federica Mogherini, quddiem is-soċjetà ċivili fit-28 ta’ Mejju 2015 (3).

2.   Introduzzjoni

2.1.

Punt importanti ħafna fuq l-aġenda Ewropea u dinjija għas-snin li ġejjin se jkun id-dibattitu dwar l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli għal wara l-2015 (SDG). Ir-reġjun Ewro-Mediterranju juri xi karatteristiċi komuni speċifiċi li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati dwar kif għandhom jiġu mħaddna l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli fil-politika tal-viċinat Ewropea u fil-politiki li jkopru l-pajjiżi Mediterranji tan-nofsinhar. Il-problemi tas-sigurtà tal-ikel, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, aċċess limitat għall-ilma, is-sitwazzjoni partikolari tal-pajjiżi tar-reġjun fi tranżizzjoni demokratika u ekonomika u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti mill-ġdid il-paċi u s-sigurtà, jitolbu għal opinjoni tal-KESE li tista’ toffri linji gwida għall-applikazzjoni effettiva u l-monitoraġġ tal-aġenda għal wara l-2015 fil-Mediterran.

2.2.

Billi jgħin fl-identifikar tal-isfidi reali u jressaq proposti għar-reġjun Ewro-Mediterranju, flimkien mas-soċjetà ċivili, il-KESE jista’ joffri pariri utli lill-gvernijiet ta’ dan ir-reġjun li tant qala’ fuq wiċċu, u lill-istituzzjonijiet Ewropej.

2.3.

F’din l-Opinjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jixtieq ukoll li jibni fuq il-ħidma li saret fuq l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli inġenerali u fuq dawk li jikkonċernaw dan ir-reġjun ġeografiku, l-ixtut tal-Baħar Mediterran, b’mod partikolari.

2.4.

Is-Segretarju Ġenerali tan-NU ressaq rapport li jispjega fil-qosor il-kontribuzzjonijiet li saru mill-grupp ta’ ħidma miftuħ li kellu l-kompitu li jħares lejn l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli universali għal wara l-2015, ibbażati fuq l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-gvernijiet bit-titlu “Il-Futur li rridu” wara l-Konferenza ta’ Rio + 20, u li stabbilixxi d-deċiżjoni biex jitwaqqfu l-Għanijiet tal-Millenju, li huma speċifiċi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għanijiet komuni iżda differenzjati applikabbli għal kulħadd fid-dinja, fil-pajjiżi li huma industrijalizzati jew emerġenti, li qed jiżviluppaw jew li huma l-inqas żviluppati. Saru konsultazzjonijiet estensivi fil-livelli reġjonali u sottoreġjonali differenti, u l-gruppi ewlenin tas-soċjetà ċivili organizzata rappreżentanti fin-Nazzjonijiet Uniti kellhom l-opportunità li jieħdu sehem fihom u jikkomunikaw l-interess tagħhom. Sbatax-il għan u 169 mira ġew adottati fir-rigward tal-“mezzi ta’ implimentazzjoni u s-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli”.

2.5.

Żewġ avvenimenti ewlenin li huma marbuta għal kollox mal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli għal wara l-2015 se jseħħu fl-2015: konferenza internazzjonali f’Addis Ababa dwar il-finanzjament għall-iżvilupp, f’Lulju 2015, u l-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas dwar it-Tibdil fil-Klima f’Pariġi, lejn tmiem l-2015.

2.6.

L-aġenda tal-iżvilupp sostenibbli għal wara l-2015 għandha l-għan li tistabbilixxi qafas għall-ħidma futura tan-Nazzjonijiet Uniti fil-prattika, b’enfasi ġdida fuq l-ugwaljanza, l-inklużjoni soċjali u l-ħidma diċenti, filwaqt li jiġu salvagwardjati sorsi ta’ dħul sostenibbli għal nies li jaħdmu, l-ambjent, u l-pass ta’ tiġdid tar-riżorsi bijoloġiċi u naturali. Madankollu, din l-aġenda tieħu bħala l-punt tat-tluq tagħha li l-mudell ekonomiku li jiggverna s-soċjetajiet tagħhom mhuwiex sostenibbli. Dan ifisser li l-mexxejja dinjija se jkollhom ikunu kuraġġużi ħafna. Is-sitwazzjoni attwali ekonomika, soċjali u ambjentali, u fuq kollox politika, ma tistax tibqa’ kif inhi f’ħafna partijiet tad-dinja, u dan huwa partikolarment minnu għar-reġjun Ewro-Mediterranju. Sabiex jintlaħqu l-SDG, ħafna nies isostnu li, mill-inqas, il-prinċipji ekonomiċi u finanzjarji li bħalissa qed jixprunaw l-ekonomiji jridu jiġu aġġustati, sabiex jinbidel l-istatus quo.

2.7.

Fin-nofsinhar tal-Ewropa, pajjiżi qed jesperjenzaw sitwazzjonijiet soċjali u ekonomiċi li m’għadhomx aċċettati mill-popolazzjoni u li jagħmluha impossibbli li jiġu indirizzati l-imperattivi ambjentali u klimattiċi li jistgħu jagħtu lill-Ewropej il-possibilità li jibnu żona ambjentali, ekonomika u soċjali differenti. Iż-żgħażagħ, minkejja l-investiment fl-edukazzjoni tagħhom mis-sistema nazzjonali jew Ewropea, m’għandhomx qafas ta’ opportunitajiet li jippermettilhom jilħqu l-potenzjal tagħhom u jikkontribwixxu għall-kompetittività ekonomika, soċjali u ambjentali tal-UE.

2.8.

Inħolqu ftit impjiegi mill-2008 ‘l hawn: fil-fatt, ħafna impjiegi ntilfu u r-rata ta’ ħolqien tal-impjiegi ma żammitx il-pass max-xejriet demografiċi jew mal-wasal fis-suq ta’ gradwati, u dan irriżulta fiċ-ċaħda tal-politiki tal-awsterità u mingħajr ma wieħed jista’ jara xi dawl f’tarf il-mina. Politiki u servizzi pubbliċi fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa, it-trasport u d-djar batew minħabba l-linji gwida dwar l-awsterità, filwaqt li biex jintlaħqu l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli dawn is-servizzi jeħtieġ li jiġu msaħħa. L-għadd ta’ nies li huma bla dar jew li jgħixu fi djar ta’ livell baxx ħafna qed ikompli jiżdied fl-UE28 u ħafna mill-impjiegi li qed jinħolqu huma wisq flessibbli, bla sigurtà u ma joffru l-ebda ġejjieni reali. L-għadd ta’ apprendisti li ma jitħallsux jew li jitħallsu paga baxxa ħafna qed jikber ħafna, qed naraw is-soċjetà Ewropea ssir radikalizzata, qed tikber l-intolleranza, l-ostilità lejn l-oħrajn u hemm nuqqas ta’ fehim, il-qasma bejn il-ġenerazzjonijiet qed tikber, u l-individwaliżmu u s-sopravivenza qed joħolqu qasam kbira bejn il-klassijiet politiċi professjonali u ċ-ċittadini frustrati.

2.9.

Max-xatt tan-nofsinhar tal-Mediterran rajna li kien hemm rewwixti kontra dittatorjati li kienu ħatfu l-profitti ekonomiċi, u ma ppermettewx il-libertà tal-espressjoni u l-ugwaljanza. Ħafna pajjiżi bidlu l-metodu ta’ tranżizzjoni tagħhom, minn xempju li kien tant mixtieq ta’ kunsens nazzjonali għal demokrazija għall-ħtif awtoritarju minn klassi militari b’ħafna setgħa. Fl-istess ħin, gruppi radikalizzati ħadu l-opportunità biex jibdew okkupazzjoni armata jew li jerġgħu jimmudellaw ruħhom bħala reġim kriminali. Parti mill-Afrika issa tgħix taħt din it-theddida permanenti, u l-Lvant Nofsani qed jesperjenza kemm spjazzamenti kbar tal-popolazzjoni kif ukoll modijiet ta’ tmexxija politiċi u militari ġodda. Fil-qosor, popolazzjonijiet ċivili mhux qed ikollhom ċans jieħdu nifs.

2.10.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, x’aktarx kwalunkwe għan tal-iżvilupp sostennibbli mhux ħa jkun kredibbli bħala mod kif terġa’ tinstab il-paċi, titjieb il-benessri materjali u tinbena mill-ġdid l-ekonomija tar-reġjun. Mhuwiex possibbli li jiġi attratt l-investiment b’mod sostenibbli, jew li dan l-investiment jibqa’ u jiikbar, f’reġjuni li huma instabbli mil-lat demokratiku, soċjali u ambjentali. Barra minn hekk, il-fatt li l-iżvilupp ekonomiku għal ħafna deċennji bbenefika biss minorità ta’ familji u individwi jew dittaturi dgħajjef dawk l-istituzzjonijiet li huma kapaċi joperaw b’mod ġust, trasparenti u demokratiku.

3.   L-ambjent

3.1.

Il-fatti juru li r-Reġjun Ewro-Mediterranju huwa vulnerabli għal diżastri ambjentali, kemm fl-art kif ukoll fil-baħar. Skont rapport (2013), l-ambjent kostali tal-Mediterran jipprovdi għajxien għal mill-inqas 150 miljun ruħ. L-istess rapport jikkwota l-UNEP li jidentifika 13-il impjant tal-gass, 55 raffinerija, 180 impjant tal-enerġija, 750 port għal jottijiet, 286 port kummerċjali, 112-il ajruport, u 238 impjant tad-desalinazzjoni, mal-kosta tal-Mediterran, b’ħafna minnhom sorsi potenzjali ta’ emerġenzi ambjentali. Ir-rapport jiddikjara wkoll li l-istabbiliment ta’ miżuri adegwati biex jittaffa l-impatt f’każ ta’ diżastri naturali jew diżastri kkawżati mill-bniedem, huwa prijorità ewlenija għar-reġjun kollu (4).

4.   Impjiegi

4.1.

Il-Kummissarju Hahn, fid-diskors tiegħu tat-28 ta’ Mejju, enfasizza l-ħtieġa li jinħolqu 5 miljun impjieg ġdid kull sena biex jingħata xogħol lil forza tax-xogħol li qed tikber u sabiex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali. Huwa fakkar ukoll li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, ir-reġjun irid jiżgura tkabbir ekonomiku ’l fuq minn 6 %.

4.2.

Il-promozzjoni ta’ impjiegi deċenti (Objettiv 8) għandu jkun ta’ importanza ewlenija peress li l-impjiegi ta’ kwalità fqira (prekarju, b’pagi baxxi, mingħajr protezzjoni soċjali sostenibbli u universali) huma wieħed mill-għeruq tal-faqar. Għaldaqstant, għandha ssir enfasi għal darb’oħra fuq il-kwalità tat-tkabbir, il-kundizzjonijiet tal-impjiegi u x-xogħol b’saħħtu u sigur, protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, bħala strument essenzjali għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni.

5.   Is-sorsi privati ta’ finanzjament

5.1.

Sabiex ikun produttiv u effettiv il-kontribut tas-settur privat għal sħubijiet kummerċjali għall-iżvilupp industrijali, irid jimxi id f’id ma’ aġenda ta’ xogħol diċenti li ma tikkompromettix daqshekk fl-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, bħalma kien il-każ s’issa. L-impjiegi li jinħolqu jridu, iktar minn qatt qabel, ikunu ta’ kwalità għolja u jitħallsu tajjeb, jirrispettaw is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, u jkunu koperti minn protezzjoni soċjali effettiva (5). Dan huwa partikolarment importanti għar-reġjun MENA, fejn il-qgħad taż-żgħażagħ huwa fost l-ogħla fid-dinja u qed jiżdied kontinwament, u għalhekk hemm proporzjon sinifikanti ta’ żgħażagħ f’età attiva li mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ. Il-garanzija ta’ sigurtà ta’ dħul minimu għall-persuni fis-settur informali hija essenzjali għal stabilità soċjali u politika u għall-prevenzjoni tal-kunflitti, peress li jnaqqas ir-radikaliżmu u l-estremiżmu, biex b’hekk isir kontribut għall-istabilità politika u s-sigurtà (6). L-edukazzjoni inizjali u t-taħriġ kontinwu, l-ugwaljanza, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u n-nisa fis-suq tax-xogħol, li x-xewqat tan-nies jiġu rispettati, id-dritt tal-espressjoni, pagi diċenti, is-sikurezza, il-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa pubblika, edukazzjoni għat-tfal iż-żgħar u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet huma aspirazzjonijiet komuni għaż-żewġ naħat tal-Mediterran. Dawn l-aspirazzjonijiet iridu jiġu ggarantiti mill-gvernijiet mingħajr theddid ta’ arbitraġġ sopranazzjonali li jipproteġi unilateralment l-interessi partikolari, u billi tingħata l-importanza kollha possibbli li tista’ tingħata lill-kummerċ internazzjonali għall-finanzjament tal-għanijiet universali (7).

6.   Mezzi ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ tal-progress lejn l-għanijiet

6.1.

In-negozjati multilaterali fi ħdan id-WTO jiffukaw fuq il-kummerċ bħala mezz ta’ implimentazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli virtwuż. Madankollu, diversi negozjati li għaddejjin bħalissa juru n-nuqqas ta’ koerenza bejn ċerti objettivi tal-kummerċ ħieles u t-twettiq tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli. Dawn jinkludu ftehimiet dwar servizzi li jippjanaw li jilliberalizzaw jew jipprivatizzaw ħafna servizzi pubbliċi li huma aċċessibbli għall-biċċa l-kbira tan-nies u huma neċessarji biex jintlaħqu l-għanijiet; ftehimiet dwar prodotti ambejntali, trasferimenti ta’ teknoloġija, drittijiet ta’ proprjetà industrijali; ftehimiet dwar teknoloġiji tal-informazzjoni ġodda, dwar l-industriji estrattivi u tal-minjieri u dwar korpi għas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn kumpaniji multinazzjonali u l-Istati. Hemm ħafna oqsma fejn objettivi li ta’ min ifaħħarhom jitilfu l-kredibbiltà tagħhom minħabba n-negozjati bejn il-poteri korporattivi u dawk tal-istat.

6.2.

Il-Politika tal-Kummerċ għandha tagħti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw spazju ta’ politika – inkluża l-kapaċità li jiffokaw fuq l-impatti fuq il-qgħad, il-persuni vulnerabbli, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp sostenibbli – minflok ma tippromovi l-liberalizzazzjoni bħala għan fih innifsu. Għaldaqstant, nirrakkomandaw reviżjoni komprensiva tal-ftehimiet kummerċjali u t-trattati ta’ investiment kollha sabiex jiġu identifikati l-oqsma kollha fejn jista’ jkun li jillimitaw il-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jevitaw u jiġġestixxu kriżijiet, jirregolaw il-flussi ta’ kapital, jipproteġu d-dritt għal għajxien u impjieg deċenti, jinforzaw it-tassazzjoni ġusta, ifornu servizzi pubbliċi essenzjali u jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli.

6.3.

Il-gvernijiet għandhom iwettqu valutazzjonijiet obbligatorji tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem ta’ ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment multilaterali, plurilaterali u bilaterali, b’enfasi speċjali fuq id-drittijiet għall-iżvilupp, u d-drittijiet speċifiċi għall-ikel, is-saħħa u l-għajxien, filwaqt li jitqies l-impatt fuq gruppi marġinalizzati. Dan se jinkludi l-implimentazzjoni tal-abbozz ta’ riżoluzzjoni, li għadda fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Ġinevra f’Ġunju 2014, li jistabbilixxi grupp ta’ ħidma biex jipprepara strument li jimponi obbligi legali internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem fuq korporazzjonijiet transnazzjonali.

6.4.

Għal perijodu li għad għandu jiġi determinat it-tul tiegħu, nistgħu nqisu li d-dinja qed tirkupra wara l-kriżijiet tal-2008 (finanzjarji) u tal-2011 (demokratiċi), u l-investimenti relatati mal-impjieg u l-ambjent u li huma relatati mal-għanijiet ta’ żvilupp wara l-2015 iridu jiġu mnaqqsa mill-valur tad-defiċits pubbliċi, jiġu kkunsidrati bħala investimenti ta’ interess komuni, universali, sostenibbli u finanzjati b’rata żero u pprojbiti għall-fondi spekulattivi.

6.5.

Il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, kontra l-flussi finanzjarji illeċiti għall-ħasil ta’ flus minn attivitajiet illegali, inklużi x-xogħol illegali, it-traffikar tal-migranti, l-esportazzjoni ta’ skart mhux riċiklabbli, għandha tippermetti li jiġu pprovduti r-riżorsi addizzjonali meħtieġa biex jiġu implimentati l-SDGs (8).

6.6.

Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-istrumenti legali internazzjonali eżistenti huma wkoll mezzi ta’ implimentazzjoni u li xi wħud mill-konvenzjonijiet – dawk tal-ILO, fundamentali, dwar ix-xogħol, il-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-konvenzjoni dwar:il-protezzjoni tal-ħaddiema migranti u l-familji tagħhom, il-konvenzjoni C189 dwar il-protezzjoni ta’ ħaddiema u ħaddiema domestiċi, il-konvenzjoni C184 dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fl-Agrikoltura, il-Konvenzjoni Internazzjonali tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, biex insemmi ftit eżempji – li ġew irratifikati u trasposti fil-liġi tal-Istati Membri kollha tal-UgħM jikkostitwixxu huma stess l-ewwel għażla bħala mezzi ta’ implimentazzjoni mhux finanzjarji li jiżguraw il-protezzjoni tad-dritt (de jure) tal-persuni, essenzjali u neċessarju sabiex jintlaħqu (de facto) bosta għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli:

Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (9)

 

Għan 1. Jinqered il-faqar ta’ kull tip kullimkien

 

Għan 2. Jintemm il-ġuħ, tintlaħaq is-sigurtà tal-ikel u nutrizzjoni mtejba u tiġi promossal-agrikoltura sostenibbli

 

Għan 3. L-iżgurar ta’ ħajjiet f’saħħithom u l-promozzjoni tal-benessri għan-nies ta’ kull età

 

Għan 4. L-iżgurar ta’ edukazzjoni ta’ kwalità inklużiva u ekwitabbli u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd

 

Għan 5. Tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-awtonomija għan-nisa u t-tfajliet kollha

 

Għan 6. L-iżgurar tad-disponibbiltà u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u s-sanità għal kulħadd

 

Għan 7. L-iżgurar tal-aċċess għal enerġija affordabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd

 

Għan 8. Il-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku kontinwu, inklużiv u sostenibbli, impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti għal kulħadd

 

Għan 9. Tinbena infrastruttura reżiljenti, tiġi promossal-industrijalizzazzjoni inklużiva u sostenibbli u titrawwem l-innovazzjoni

 

Għan 10. Tonqos l-inugwaljanza fi ħdan il-pajjiżi u bejniethom

 

Għan 11. Il-bliet u kull fejn jgħammru n-nies isiru iktar inklużivi, sikuri, reżiljenti u sostenibbli

 

Għan 12. L-iżgurar ta’ tendenzi ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli

 

Għan 13. Tittieħed azzjoni urġenti biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu (10)

 

Għan 14. Il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli

 

Għan 15. Il-protezzjoni, ir-restawr u l-promozzjoni tal-użu sostenibbli ta’ ekosistemi terresti, foresti ġestiti b’mod sostenibbli, il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, u li titwaqqaf u titreġġa’ lura d-degradazzjoni tal-art u jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità

 

Għan 16. Il-promozzjoni ta’ soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli, l-għoti ta’ aċċess għal ġustizzja għal kulħadd u l-bini ta’ istituzzjonijiet effettivi, responsabbli u inklużivi fil-livelli kollha

 

Għan 17. Jissaħħaħ il-mezz ta’ implimentazzjoni u tingħata ħajja ġdida s-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli.

6.7.

Fit-28 ta’ Mejju 2015, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew organizzaw flimkien mal-Kummissjoni Ewropea forum tas-soċjetà ċivili tal-Ewromed, fejn tkellmu l-Kummissarju Johannes Hahn u l-Viċi President Federica Mogherini, kif ukoll il-President tal-Parlament Ewropew.

6.8.

F’dan il-forum maħsub biex jiġu diskussi linji gwida ġodda tal-politika tal-viċinat tal-UE, il-Kummissarju Johannes Hahn fakkar fid-diversi fondi li ġew allokati direttament għall-kriżi umanitarja fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien – rispettivament EUR 52 miljun taħt l-Istrument tal-Viċinat għas-Soċjetà Ċivili (Faċilità tal-Viċinat għas-Soċjetà Ċivili) – u ddeskriva l-azzjonijiet implimentati li magħhom għandhom jiżdiedu EUR 40 miljun taħt il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE.

6.9.

Fl-aħħar nett, għandha ssir referenza għall-aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni li ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni Ewropea ġimagħtejn wara s-summit tal-kapijiet ta’ stat u tipproponi distribuzzjoni konkreta tal-azzjonijiet ta’ risistemazzjoni u akkoljenza tar-refuġjati, skont l-Artikolu 78(3) tat-TFUE (11).

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Kummissarju Neven Mimica, il-508 sessjoni plenarja tal-KESE, 28 ta’ Mejju 2015.

(2)  http://www.etf.europa.eu/web.nsf/pages/home

(3)  http://eeas.europa.eu/statements-eeas/2015/150528_01_en.htm

(4)  http://www.preventionweb.net – Programm ta’ Sħubija Ewro-Mediterranja (PPRD għan-Nofsinhar) ta’ Frar 2013

(5)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-protezzjoni soċjali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea” (ĠU C 161, 6.6.2013, p. 82).

(6)  L-objettivi għal wara l-2015 fir-reġjun Ewro-Mediterranju, seduta tal-KESE, 22 ta’ Mejju 2015, Il-viżjoni Solidar għal wara l-2015.

(7)  Opinjoni tal-KESE REX/441 (Ara l-paġna 49 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Mill-inqas $1  000 biljun skont is-sorsi, Bank Dinji, FMI, transparency.org, eċċ.

(9)  Kif inhuma fl-abbozz Żero tad-dokument ta’ eżitu għas-Summit tan-NU biex tiġi adottata l-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015 f’Jannar 2015.

(10)  Bir-rikonoxximent tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil- Klima bħala l-forum internazzjonali u intergovernattiv ewlieni għan-negozjar tal-azzjoni globali rigward it-tibdil fil-klima.

(11)  http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-is-new/news/news/2015/20150527_02_en.htm


17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/49


Opinjoni tal-Kumitati Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-finanzjament tal-iżvilupp – il-pożizzjoni tas-soċjetà ċivili”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 383/08)

Relatur:

is-Sur Ivan VOLEŠ

Nhar it-18 ta’ Frar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“Il-finanzjament tal-iżvilupp – il-pożizzjoni tas-soċjetà ċivili”

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-11 ta’ Ġunju 2015.

Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tat-2 ta’ Lulju 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’142 vot favur, 0 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jitlob li l-programm il-ġdid għall-iżvilupp ikollu dimensjoni globali u jkollu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nisa u l-irġiel. Dan il-programm għandu jkun ibbażat fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-prevenzjoni tal-kunflitti u r-riżoluzzjoni paċifika tagħhom, il-governanza tajba tal-kwistjonijiet pubbliċi, it-tnaqqis fl-inugwaljanzi soċjali, it-tisħiħ tar-rwol tan-nisa u l-parteċipazzjoni ta’ dawk kollha li jħossuhom responsabbli għall-iżvilupp tad-dinja u l-konservazzjoni tagħha għall-ġenerazzjonijiet futuri.

1.2

Il-KESE japprova l-adozzjoni tal-objettivi proposti tal-iżvilupp sostenibbli u jitlob li jiġu mobilizzati r-riżorsi finanzjarji disponibbli kollha u biex dawn jintużaw b’mod trasparenti u effettiv sabiex jiġu integrati b’mod bilanċjat id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli. Jeħtieġ li niġġieldu l-ħela tar-riżorsi fil-kunflitti armati, it-trasferiment illeċitu tagħhom u d-dissipazzjoni fl-ekonomija sewda.

1.3

Il-KESE jitlob li l-promozzjoni tad-djalogu soċjali tkun fost il-prijoritajiet għall-iżvilupp, peress li huwa strument importanti biex jitqiesu, b’mod bilanċjat, l-interessi tal-imsieħba soċjali u b’hekk tinżamm il-paċi soċjali essenzjali biex jiġu implimentati b’suċċess l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs).

1.4

L-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) għandha tkun destinata b’mod partikolari għall-pajjiżi l-inqas avvanzati u dawk vulnerabbli. L-UE għandha tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha biex tagħti ODA totali sa 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħha u biex talloka minn 0,15 sa 0,20 % għal pajjiżi l-inqas żviluppati. Dan l-impenn għandu jkun marbut mar-rekwiżit tal-legalità u tar-razzjonalità tal-użu tas-sorsi kollha ta’ finanzjament tal-għajnuna għall-iżvilupp f’konformità mal-prinċipji adottati f’Monterrey, Doha u Busan.

1.5

Jeħtieġ li l-ODA ma tiġix evalwata biss skont il-volum tagħha, iżda għandhom jitkejlu wkoll il-kwalità u l-kontribut tagħha għall-iżvilupp sostenibbli. Għal dan l-għan, jeħtieġ li jiġu żviluppati indikaturi ġodda sabiex tiġi vvalutata l-effettività.

1.6

Sabiex tiżdied l-effettività tal-għajnuna baġitarja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-KESE jirrakkomanda li nibnu fuq l-esperjenza tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u tal-istrumenti tagħha, bħalma huma l-fondi strutturali u l-fondi ta’ koeżjoni, biex dawn il-mezzi finanzjarji jintużaw għall-iżvilupp b’mod immirat lejn il-kisba tal-SDGs.

1.7

Sabiex jittejjeb l-użu tar-riżorsi nazzjonali kemm pubbliċi kif ukoll privati, li se jsiru iktar importanti, jeħtieġ li titwettaq riforma radikali tat-taxxa, tinħoloq governanza fiskali tajba, is-settur informali jiġi integrat fl-ekonomija formali, u tittieħed azzjoni konkreta biex tindirizza u tilqa’ kontra l-korruzzjoni. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jibbenefikaw mill-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, ir-rifuġji fiskali u l-flussi finanzjarji illeċiti, kif ukoll mit-titjib tal-kooperazzjoni mal-OECD u l-Kumitat ta’ Esperti tan-NU dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet tat-Taxxa.

1.8

Il-KESE jilqa’ l-parteċipazzjoni tas-settur privat fit-twettiq ta’ proġetti li mhumiex vijabbli, interament jew parzjalment, minn perspettiva kummerċjali permezz ta’ sħubijiet tas-setturi pubbliċi u privati u l-finanzjament ta’ proġetti ta’ sħubijiet pubbliċi-privati permezz ta’ mekkaniżmi ta’ taħlit (“blending”). L-implimentazzjoni b’suċċess tagħhom hija bbażata fuq l-evalwazzjoni ex-ante tal-karattru sostenibbli tagħhom, ir-rispett tal-prinċipji ta’ trasparenza, inkluż fir-rigward tal-ħolqien ta’ relazzjonijiet, ir-responsabbiltà maqsuma u impenji vinkolanti.

1.9

Il-KESE jirrikonoxxi l-kontribut li jista’ jikkostitwixxi l-investimenti diretti barranin għall-iżvilupp, sakemm dawn ikunu mmirati lejn il-kisba tal-SDGs. Id-dħul minn investimenti diretti barranin għandu jkun primarjament investit mill-ġdid fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fejn ġew iġġenerati dawn l-investimenti. Il-pajjiżi benefiċjarji għandu jkollhom strateġija ċara ta’ investiment. L-Istati investituri l-ġodda, bħaċ-Ċina, il-Brażil, l-Indja u oħrajn, għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli fl-investimenti tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

1.10

Il-KESE jappoġġja sorsi innovattivi u komplementari ta’ finanzjament għall-iżvilupp, bħall-finanzjament kollettiv, l-attivitajiet ta’ fondi għall-karità internazzjonali, it-trasferimenti tat-tfaddil tad-dijaspori lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Huwa jilqa’ b’mod favorevoli ċerti proposti tal-Grupp ta’ tmexxija dwar il-finanzjamenti innovattivi għall-iżvilupp, li jistgħu jsiru riżorsa importanti, basta jiġu implimentati fuq skala dinjija u ma jimponux piżijiet eċċessivi fuq is-settur konċernat. Dawn jistgħu jsiru sors sinifikanti bil-kundizzjoni li jiġu applikati globalment u ma jkunux wisq ta’ piż għal dan is-settur.

1.11

Is-soċjetà ċivili, li tinvolvi wkoll l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, għandhom ikunu involuti b’mod aktar effiċjenti u strutturat fid-definizzjoni tal-programmi ta’ żvilupp, fis-segwitu tal-implimentazzjoni tagħhom u fl-evalwazzjoni tar-riżultati tagħhom u tal-impatt tagħhom. Għalhekk jeħtieġ li, kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll fil-pajjiżi żviluppati, tinħoloq u tittejjeb sistematikament sistema ta’ kontroll għall-proċessi ta’ għajnuna għall-iżvilupp u li jiġu involuti l-organizzazzjonijiet konċernati tas-soċjetà ċivili. Għal dan l-għan, il-KESE jagħmel disponibbli l-esperjenza estensiva tiegħu ta’ koperazzjoni mal-imsieħba tiegħu tal-pajjiżi AKP, l-Amerika Latina, l-Asja, is-Sħubija tal-Lvant, ir-reġjun Ewro-Mediterranju u oħrajn.

1.12

Sabiex is-soċjetà ċivili tkun tista’ taqdi dan id-dmir, għandha tiġi appoġġjata permezz ta’ programmi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi msieħba.

2.   Il-pożizzjonijiet essenzjali tal-KESE dwar il-programm għall-iżvilupp għal wara l-2015

2.1

2015 hija sena importanti f’termini tal-istabbiliment ta’ approċċ ġdid globali lejn l-iżvilupp. Il-missjoni ewlenija ta’ żvilupp tal-Millennju, it-tnaqqis tal-faqar, tkun biss parzjalment inkisbu. L-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (1) wettqu parzjalment biss il-kompitu prinċipali tagħhom, jiġifieri t-tnaqqis tal-faqar. Il-Kumitat jilqa’ b’mod pożittiv l-inklużjoni fl-SDGs ta’ għadd ta’ rakkomandazzjonijiet tiegħu.

2.2

Il-KESE kien talab, fl-opinjonijiet riċenti tiegħu, li l-għanijiet il-ġodda tal-iżvilupp isiru parti integrali tal-iżvilupp sostenibbli fil-livell dinji (2). Il-Kumitat kien enfasizza r-rwol indispensabbli li għandha s-soċjetà ċivili fil-politika tal-iżvilupp (3) u kien irrefera għall-ħtieġa li tiġi inkluża l-protezzjoni soċjali fil-politika ta’ żvilupp tal-UE (4). Il-Kumitat kien ressaq serje ta’ proposti favur il-parteċipazzjoni tas-settur privat għall-iżvilupp għal wara l-2015 (5), l-inklużjoni tal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli, u r-rwol tas-soċjetà ċivili fil-ftehimiet ta’ investiment tal-UE (6) u l-kontribut tal-kummerċ għat-tkabbir u l-iżvilupp (7), u l-għanijiet għal wara l-2050 fir-reġjun Ewro-Mediterran (8). Matul il-laqgħa konġunta straordinarja tal-20 ta’ Ottubru 2014, is-Sezzjoni Speċjalizzata REX u l-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-KESE adottaw rakkomandazzjonijiet relatati mal-Aġenda tal-iżvilupp ta’ wara l-2015, validi għan-negozjati li ġejjin dwar l-SDGs u l-finanzjament tagħhom.

2.3

Jeħtieġ li d-djalogu soċjali jsir komponent importanti tal-Aġenda tal-iżvilupp ta’ wara l-2015, peress li huwa strument li jirregola r-relazzjoni bejn min iħaddem u l-impjegati u, permezz ta’ kunsiderazzjoni bbilanċjata tal-interessi tal-imsieħba soċjali fil-ftehimiet kollettivi, iżomm il-paċi soċjali essenzjali għas-suċċess tal-iżvilupp kontinwu ta’ soċjetà partikolari.

2.4

Il-KESE jinsisti fuq il-bżonn ta’ konsistenza bejn il-miri ta’ kummerċ ħieles u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli fin-negozjati li għaddejjin bħalissa fil-qafas tad-WTO jew li attwalment mill-UE dwar is-servizzi, il-prodotti ambjentali u fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet eżistenti tad-WTO.

2.5

Il-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment kollha għandhom jikkonformaw mal-kriterji ta’ żvilupp sostenibbli, inkluż l-impatt tagħhom fuq l-impjiegi, il-persuni vulnerabbli u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Huma m’għandhomx jipprevjenu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw milli jimmaniġjaw il-kriżiijet, jirregolaw il-flussi ta’ kapital, jinfurzaw tassazzjoni ġusta u jwasslu servizzi pubbliċi essenzjali. L-UE għandha twettaq vautazzjonijiet tal-impatt għas-s-sostenibbiltà sħaħ, b’mod partikolari tal-FSE, li jiffokaw speċjalment fuq id-drittijiet għall-iżvilupp, u d-drittijiet speċifiċi għall-ikel, is-saħħa u l-għajxien, filwaqt li jitqies l-impatt fuq gruppi vulnerabbli.

2.6

Il-kunsens dinjiji favur l-iżvilupp sostenibbli għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u jfittex li jipprevjeni l-kunflitti u jsaħħaħ il-paċi, jelimina l-inugwaljanzi fil-qasam soċjali, jiżgura governanza tajba u jappoġġja l-awtoritajiet lokali demokratiċi, issaħħaħ ir-rwol tan-nisa u jinvolvi lis-isettur privat fl-iżvilupp. Biex jintlaħaq dan l-għan, l-istrumenti legali internazzjonali, il-konvenzjonijiet, il-ftehimiet u r-regolamenti għandhom jiġu adottati, promossi u ratifikati mill-Membri tan-NU (9). Aħna nikkunsidraw li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Sħubija globali għall-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli wara l-2015  (10)” tipprovdi bażi adegwata għan-negozjati li ġejjin, fejn nappellaw lill-UE biex ikollha rwol ewlieni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ globali fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. Kull Stat individwali għandu r-responsabilità ewlenija għall-iżvilupp tiegħu u hija f’idejn il-komunità internazzjonali li toħloq ambjent internazzjonali favorevoli li jippermetti l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi kollha, li jinkludi r-rispett ta’ beni pubbliċi dinjija, il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali, swieq finanzjarji stabbli, kummerċ internazzjonali miftuħ, migrazzjonijiet ordnati u appoġġ immirat tal-iżvilupp teknoloġiku għal żvilupp sostenibbli.

3.2

Il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji kollha disponibbli hija prekundizzjoni biex jintlaħqu l-SDGs. Skont l-istimi tal-UNCTAD, il-ħtiġijiet annwali f’investimenti tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiksbu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli matul il-perjodu 2015-2030 kienu jammontaw għal USD 3,900 biljun, li minnhom, USD 2,500 biljun mhumiex iffinanzjati (11).

3.3

Il-KESE jaqbel li hemm biżżejjed sorsi ta’ finanzjament disponibbli fid-dinja. Barra r-riżorsi uffiċjali (12) jeżistu riżorsi moħbija bħall-finanzjament tal-gwerer u l-kunflitti armati fid-dinja. Id-disponibbiltà ta’ riżorsi hija limitata wkoll mill-evażjoni tat-taxxa, l-ekonomija sewda u t-trasferimenti finanzjarji illeċiti, li jeħtieġ li jiġu miġġielda b’mod sistematiku.

3.4

Mhuwiex possibbli li wieħed ma jassoċjax ir-riċerka u l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi mal-obbligu li dawn jintużaw tajjeb. Għandna nkomplu nibbażaw fuq il-prinċipji tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-għajnuna għall-iżvilupp adottati f’Monterrey, Doha u Busan u niġġieldu b’mod riżolut kontra użu ineffiċjenti u l-ħela tal-forom kollha tar-riżorsi, finanzjarji jew le, favur l-iżvilupp.

3.5

Jeħtieġ li li l-għajnuna għall-iżvilupp tiġi evalwata mhux biss skont il-volum tagħha, iżda wkoll billi jitkejlu l-kwalità u l-kontribut għall-kisba tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u t-titjib fil-ħajja tan-nisa u tal-irġiel. Għal dan l-għan, jeħtieġ li jinħolqu indikaturi ġodda li jinkludu kriterji ta’ evalwazzjoni u li jissaħħu l-aġenziji statistiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż it-trasferiment tal-għarfien espert u l-iskambju reċiproku tal-informazzjoni.

3.6

Iż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet li ġejjin mill-orizzonti kollha tas-soċjetà ċivili waqt it-tfassil tal-objettivi u l-pjani ta’ żvilupp nazzjonali għandha tgħin biex l-interessi tas-settur privat u l-objettivi pubbliċi jiġu konċiljati. Dawn is-setturi għandhom interess komuni, li jippomovu l-prinċipji tat-trasparenza, l-aċċessibbiltà tal-akkwist pubbliku, l-effettività u r-razzjonalizzazzjoni tal-fondi investiti u r-responsabbiltà tal-uffiċjali pubbliċi għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ żvilupp adottata.

3.7

Sabiex is-settur privat ikun jista’ jaqdi r-rwol tiegħu fl-iżvilupp, jeħtieġ ambjent intraprenditorjali favorevoli li jinkludi r-rispett tal-prinċipji tad-demokrazija rikonoxxuti b’mod ġenerali tal-istat tad-dritt, li jiffaċilita l-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi, inaqqas il-burokrazija, isaħħaħ it-trasparenza, iwaqqaf il-korruzzjoni u jħeġġeġ l-investituri. Jeħtieġ li s-settur privat ikun f’konformità mal-prinċipji rikonoxxuti fil-livell internazzjonali fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali korporattiva, jirrispetta d-drittijiet ekonomiċi u soċjali fundamentali u l-eżiġenzi tal-iżvilupp sostenibbli u joħloq impjiegi ġodda f’konformità mal-Aġenda għal Xogħol Diċenti tal-ILO.

3.8

Il-KESE jitlob li tissaħħaħ aktar il-koordinazzjoni u l-koerenza tal-politiki kollha tal-UE marbuta mal-iżvilupp sostenibbli (13), biex jiġu evitati duplikazzjoni possibbli, sovrapożizzjoni, frammentazzjoni, jew anki approċċi kontradittorji, u biex tiġi żviluppata koordinazzjoni sistematika ta’ għajnuna bilaterali għall-iżvilupp mogħtija mill-Istati Membri bil-għan li jinkisbu l-SDGs.

4.

Kummenti speċifiċi

4.1    Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA)

4.1.1

Minkejja li l-ODA ma tistax tissodisfa l-bżonnijiet kollha ta’ għajnuna għall-iżvilupp, tibqa’ indispensabbli għall-abitanti tal-pajjiżi l-inqas żviluppati, il-pajjiżi milquta minn kunflitt armat jew mhedda minn diżastri naturali jew epidemiji, u dawk li jgħixu fuq gżejjer iżolati u l-pajjiżi mingħajr aċċess għall-baħar.

4.1.2

Jeħtieġ li tingħata prijorità biex jintużaw ir-riżorsi mill-ODA bil-għan li jinqered il-faqar fil-pajjiżi foqra u vulnerabbli. Il-KESE jinnota li l-faqar żdied fil-pajjiżi bi dħul medju minħabba distribuzzjoni inugwali tal-ġid. Jeħtieġ li jiġi sfruttat l-effett ta’ lieva tal-ODA biex jiġu mobilizzati s-sorsi kollha ta’ għajnuna, inkluż l-investiment privat, biex jinqered il-faqar.

4.1.3

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaqblu fuq pożizzjoni Ewropea komuni u ċara dwar l-ODA fid-dawl tan-negozjati tal-Konferenza f’Addis Ababa. L-UE għandha tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha biex tagħti ODA totali sa 0,7 % tal-ING tagħha u biex talloka minn 0,15 sa 0,20 % tal-ING tagħha għall-ODA għal pajjiżi l-inqas żviluppati. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-miżuri tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li ser ikun is-suġġett ta’ negozjati fil-Konferenza ta’ Pariġi f’Diċembru 2015, se jeħtieġu riżorsi addizzjonali.

4.1.4

Kif inhi, l-istatistika dwar il-volum tal-ODA ma tindika la l-kwalità, la r-riżultati tal-għajnuna mogħtija, u lanqas l-impatti reali fuq l-iżvilupp tal-pajjiż benefiċjarju. Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp (DAC) tal-OECD biex jiġu segwiti l-għajnuna u l-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli pprovduti barra mill-qafas tal-ODA (14). L-għajnuna mhux finanzjarja ħafna drabi jkollha effetti f’termini ta’ żvilupp ħafna aktar konsiderevoli għall-pajjiż mill-għajnuna finanzjarja (eż. l-edukazzjoni, l-iskambji ta’ esperjenza, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-għarfien, il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika).

4.1.5

“L-għajnuna baġitarja għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu dejjem ikollha allokazzjoni baġitarja preċiża u titlob responsabbiltà konġunta tad-donatur u l-benefiċjarju dwar l-użu ta’ din il-forma ta’ għajnuna biex jinkisbu l-SDGs f’konformità mar-regoli rikonoxxuti internazzjonalment dwar il-ġestjoni u l-kontroll finanzjarji li jinkludu dispożizzjonijiet kondizzjonali robusti u miżuri li jindirizzaw u jilqgħu kontra l-korruzzjoni. Il-finanzjament innifsu tal-UE għandu jkun protett mill-korruzzjoni b’mod kredibbli. Il-Kumitat jirrakkomanda li jsir użu sħiħ mill-esperjenza tal-implimentazzjoni tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni, anke fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex tittejjeb aktar u tiġi mmirata aktar l-allokazzjoni tal-fondi għall-iżvilupp tal-SDGs u jiġi kkontrollati b’mod aktar rigoruż l-użu tagħhom u l-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba.

4.2    Ir-riżorsi nazzjonali

4.2.1

Il-KESE jemmen li l-importanza tar-riżorsi nazzjonali għall-iżvilupp, kemm pubbliku kif ukoll privat, ser tiżdied b’mod sinifikanti matul il-perjodu li ġej.

4.2.2

Biex jiżdied il-volum u l-użu effettiv tar-riżorsi nazzjonali, jeħtieġ li titnaqqas l-evażjoni illegali ta’ riżorsi finanzjarji u jiġu miġġielda l-ħasil ta’ flus minn attivitajiet illegali, inkluż ix-xogħol illegali, it-traffikar tal-migranti, l-esportazzjoni ta’ skart għall-irkupru, jittejjeb il-ġbir tat-taxxa, jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-attivitajiet kriminali u jiġi integrat is-settur kbir informali lejn fl-ekonomija leċita. Jeħtieġ li tingħata għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jirriformaw sew it-tassazzjoni tagħhom u jtejbu l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa. Il-KESE jitlob lill-UE biex taħdem b’mod aktar attiv biex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, ir-rifuġji fiskali u l-flussi finanzjarji illeċiti, kif ukoll ittejjeb il-kooperazzjoni maċ-Ċentru għall-Politika u l-Amministrazzjoni tat-Taxxa tal-OECD u l-Kumitat ta’ Esperti dwar Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet ta’ Taxxa tan-NU.

4.2.3

Illum, il-volum tal-investimenti domestiċi privati, kemm jekk imwettqa direttament jew permezz ta’ portafoll, huwa bosta drabi ogħla minn dak tal-investimenti barranin. Jeħtieġ li dawn jiġu diretti lejn objettivi ta’ żvilupp, pereżempju permezz ta’ inċentivi adegwati jew permezz ta’ proġetti ta’ sħubija pubblika-privata mħejjija tajjeb u assigurati biex dawn isiru għodda importanti għall-kisba tal-SDGs.

4.2.4

B’mod partikolari l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom ġid minerali għandhom il-potenzjal mhux sfruttat ta’ riżorsi domestiċi, filwaqt li l-maġġoranza tal-popolazzjoni tgħix fil-faqar minkejja l-ammont relattiva tad-dħul tal-Istat, u mhux qed jieħdu ħsieb jibnu l-ekonomija tagħhom stess, l-infrastruttura u s-servizzi soċjali tagħhom. Ġustament, is-soċjetà ċivili tikkritika l-metodi ta’ xi investituri barranin fl-industriji ta’ estrazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jeħtieġu li jkunu konformi mar-regoli fundamentali dwar il-protezzjoni ambjentali, il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, it-trasparenza tal-ħlas ta’ taxxi u trasferimenti ta’ profitti minn barra l-pajjiż, kif ukoll it-twaqqif ta’ relazzjonijiet fir-rigward tal-linji gwida tal-OECD immirati għall-intrapriżi multinazzjonali (15). Il-KESE jilqa’ l-azzjonijiet li saru biex titranġa din is-sitwazzjoni, bħalma hija l-inizjattiva għat-Trasparenza fl-industriji estrattivi (16).

4.3    It-taħlit (“blending”) u s-sħubiji pubbliċi-privati

4.3.1

Il-KESE jemmen li kull fejn il-gvernijiet ma jkollhomx riżorsi biżżejjed biex jiġbru l-investimenti meħtieġa minn sorsi pubbliċi, u fejn dawn l-investimenti, notevolment fil-qasam tal-infrastruttura iżda wkoll is-servizzi pubbliċi, ma jkunux fattibbli mil-lat kummerċjali, jeħtieġ li jsir rikors għal sħubiji bejn is-setturi pubbliċi-privati u li jiġu finanzjati dawn il-proġetti tas-sħubiji pubbliċi-privati bl-użu ta’ taħlit b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-OECD (17).

4.3.2

Dawn il-proġetti tas-sħubiji pubbliċi-privati għandhom jiġu żviluppati f’konformità mal-istrateġija ta’ żvilupp tal-Istat ikkonċernat, ikunu bbażati fuq studji ta’ fattibilità, jieħdu kont ta’ fatturi ta’ sostenibilità minn qabel u josservaw il-prinċipji ta’ trasparenza, responsabilità maqsuma u impenji vinkolanti. Jeħtieġ li l-imsieħba soċjali u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili jiġu involuti fil-valutazzjoni tal-kontribut ta’ dawn il-proġetti, li jikkonċernaw l-iżvilupp sostenibbli, u għandhom ikunu inkarigati mill-kontroll tar-rispett tal-konvenzjonijiet tal-ILO fis-seħħ.

4.3.3

Jeħtieġ li jintuża t-taħlit ukoll fl-ekonomija soċjali u fi proġetti sostenibbli għall-integrazzjoni ta’ gruppi soċjali vulnerabbli fl-ambjent ekonomiku.

4.4    L-investimenti barranin

4.4.1

Fl-2013, il-flussi ta’ investiment dirett barrani (IDB) lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw kienu jammontaw għal USD 778 biljun; madankollu, il-kontribut tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli ta’ spiss jibqa’ ambigwu. 2 % biss tal-IDB għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed imorru għall-pajjiżi l-inqas żviluppati. Fl-Afrika sub-Saħarjana, l-IDB għandu t-tendenza bħala prijorità jmur lejn l-industriji ta’ estrazzjoni u ma jikkontribwixxix għall-bqija tal-ekonomija. L-Istati investituri l-ġodda, bħaċ-Ċina, il-Brażil, l-Indja u oħrajn, għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli fl-investimenti tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

4.4.2

Skont studju tal-NGO EURODAD dwar il-finanzi ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, fl-2014, il-flussi ta’ riżorsi finanzjarji li joħorġu barra minn dawn il-pajjiżi kienu d-doppju ta’ dawk li ġejjin minn barra minn pajjiżhom, inklużi l-ODA, l-IDB, id-donazzjonijiet ta’ karità, it-trasferimenti ta’ profitti, it-tfaddil u sorsi oħra (18). Għandu jiġi żgurat li dawn ir-riżorsi finanzjarji, kull fejn possibbli, jerġgħu jiġu investiti fl-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi benefiċjarji.

4.4.3

L-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp għandhom jipprevedu wkoll appoġġ għall-investiment. Biex jinkiseb l-investiment dirett barrani (IDB) u jiġi ggwidat lejn l-SDGs, jeħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet propizji, bħall-paċi, l-istabilità u l-amministrazzjoni tajba. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jinkludu wkoll lSDGs fi ftehimiet ta’ investiment li jikkonkludu u joffru l-garanziji korrispondenti. Il-KESE jirrakkomanda li l-aġenziji u l-istituzzjonijiet finanzjarji għall-promozzjoni tal-investiment fil-pajjiżi ta’ oriġini u dawk tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni jistabbilixxu kooperazzjoni teknika diretta b’rabta mal-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli.

4.4.4

Jeħtieġ li jiġi promoss l-investiment b’impatt li jiżgura profitabbiltà fuq perjodu qasir, iżda li joffri l-possibbiltà ta’ profittabbiltà fuq tul ta’ żmien, permezz tal-effetti soċjali tiegħu bħall-bini tal-kapaċitajiet jew l-ambjent li jista’ jwassal għal żvilupp sostenibbli.

4.5    Il-forom innovattivi u komplementari ta’ finanzjament

4.5.1

Il-finanzjament u l-investiment parteċipattivi huma strumenti li joffru possibilitajiet kbar għall-finanzjament ta’ proġetti żgħar ta’ żvilupp (19). Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li dawn l-istrumenti jiġu definiti malajr ħafna u biex jitħejja u jiġi approvat il-qafas regolatorju xieraq, kif rakkomandat fl-opinjoni tiegħu dwar dan (20).

4.5.2

Il-KESE jilqa’ n-numru dejjem jikber ta’ fondi tal-karità, fondazzjonijiet u programmi internazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli, bħalma huma l-Fond Globali għall-Ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja, is-Sħubija Globali għall-Edukazzjoni, l-Alleanza GAVI għall-immunizzazzjoni tat-tfal fil-pajjiżi l-inqas żviluppati, eċċ. Dawn il-fondi u fondazzjonijiet, fejn l-istituzzjonijiet pubbliċi jikkooperaw ma’ donaturi privati u organizzazzjonijiet mhux governattivi, għandhom itejbu l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom u jidderezzjonawhom lejn l-SDGs.

4.5.3

L-approprjazzjonijiet għall-ODA, li attwalment mhumiex allokati għal proġetti ta’ żvilupp, jistgħu jitqiegħdu f’fondi ta’ investiment għall-iżvilupp u f’bonds koperti sabiex jiġġeneraw dħul fi żmien qasir u jikkontribwixxu biex jinħolqu aktar riżorsi (21). Dan jista’ jgħin biex fuq medda twila ta’ żmien jiżdied il-volum tar-riżorsi meħtieġa għall-għajnuna għall-iżvilupp (22).

4.5.4

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon uħud mill-proposti tal-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Finanzjament Innovattiv għall-Iżvilupp (23), u jappoġġja l-isforzi li qed isiru biex jinħolqu riżorsi ġodda ta’ finanzjament tal-SDGs. Madankollu, jeħtieġ li dawn ir-riżorsi l-ġodda jiġu implimentati b’mod konsistenti madwar id-dinja, li ma jfixklux il-kompetittività ta’ settur partikolari u li l-użu tagħhom għall-SDGs ikun trasparenti. Il-KESE lest jilqa’ l-fatt li s-settur bankarju, b’mod volontarju, jimplimenta inizjattiva fuq livell dinji biex jikkontribwixxi għall-finanzjament tad-differenza li teżisti bejn il-ħtiġijiet u r-riżorsi disponibbli, bil-ħsieb li jintlaħqu l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli.

4.5.5

Fost ir-riżorsi ftit sfruttati nsibu r-riżorsi finanzjarji mid-dijaspora, jiġifieri t-trasferiment ta’ tfaddil lejn il-pajjiż ta’ oriġini, li huma sors ieħor li jista’ jintuża biex jintlaħqu l-SDGs. Huwa xieraq li jkun hemm provvediment għal tnaqqis fl-ispejjeż ta’ dawn it-trasferimenti ta’ tfaddil. Jeħtieġ li jiġu propostu lill-membri ta’ dijaspora programmi edukattivi u ta’ inċentiv li jiffavorixxu l-propensità tagħhom li jinvestu fi proġetti tal-iżvilupp li jippermettu l-valorizzazzjoni tat-tfaddil tagħhom u fl-istess ħin jikkontribwixxu għall-kisba tal-SDGs.

4.6    Il-finanzjament tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar u medji

4.6.1

Il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u medji, li jirrappreżentaw il-potenzjal ewlieni ta’ tkabbir u ta’ ħolqien ta’ impjiegi ġodda, qed jesperjenzaw diffikultajiet biex jaċċessaw biżżejjed il-finanzi. Din il-problema hija partikolarment serja fil-pajjiżi l-inqas żviluppati; barra minn hekk, jeħtieġ li nfittxu strumenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar u medji għar-riżorsi finanzjarji. Għal dan, jeħtieġ li jiġu rispettati d-differenzi tal-forom ta’ intrapriżi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn jiddominaw il-mikrointrapriżi, in-negozjanti żgħar u, fil-biedja, l-irziezet żgħar tal-familji.

4.6.2

Hemm varjetà kbira ta’ skemi ta’ mikrokreditu għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Il-Kumitat jemmen li s-sistemi li jużaw l-applikazzjonijiet tat-telefonija mobbli huma l-aktar effettivi. Huwa jilqa’ wkoll il-fatt li l-mikrokreditu huwa użat għall-finanzjament ta’ proġetti fil-qasam tal-enerġija ekoloġika u jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi immirati biex jipprovdu mikrokrediti b’rata ta’ interessi żero. Hemm nuqqas ta’ self lill-SMEs (bejn USD 10  000 u 2 00  000) u dan jista’ jiġi sostitwit b’lokazzjoni finanzjarja u strumenti kapitali oħra. Għal dan l-għan, jeħtieġ li jingħata appoġġ għall-iżvilupp ta’ swieq finanzjarji u banek lokali, inklużi l-aġenti lokali.

4.6.3

Aspett wieħed tal-għajnuna pprovduta minn pajjiżi żviluppati għall-SMEs għandu jkun li jittrasferixxu l-esperjenzi, l-għarfien dwar il-ġestjoni, il-kompetenza teknika, it-taħriġ fil-ġestjoni finanzjarja, l-edukazzjoni dwar l-aspetti bażiċi tal-finanzi u l-appoġġ għall-inklużjoni tagħhom fil-ktajjen tal-provvista u tal-valur. L-UE għandha tirrakkomanda l-użu tal-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva tagħha dwar il-Ħlasijiet Tard biex ittejjeb il-finanzjament tal-SMEs.

4.6.4

Jeħtieġ li nipproteġu l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fis-settur agrikolu kontra l-prattiki ta’ investiment bil-għan li jaħtfu l-art, prattika li twassal għall-eliminazzjoni tagħhom. Il-ħolqien ta’ strumenti ta’ assigurazzjoni kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima għandhom jippermettu wkoll biex tingħatalhom għajnuna. Fil-qafas tal-pjani ta’ żvilupp, m’għandux jitħalla barra l-appoġġ lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali li jista’ jkollhom rwol importanti biex jinkisbu l-SDGs.

4.6.5

Għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali huwa importanti li l-akbar saffi tal-popolazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollhom aċċess għall-istrumenti finanzjarji bħalma huma l-kont bankarju bażiku jew l-applikazzjonijiet finanzjarji tat-telefonija mobbli.

4.7    L-impenn tas-soċjetà ċivili fl-għajnuna għall-iżvilupp

4.7.1

Is-soċjetà ċivili tal-pajjiżi żviluppati, inklużi l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, jikkontribwixxu direttament għall-iżvilupp u għandhom ukoll rwol ewlieni fit-tfassil tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u fil-monitoraġġ tal-effettività tagħha (24).

4.7.2

Għandu jiġi appoġġjat sistematikament il-ħolqien ta’ sistema biex tissorvelja l-proċessi u r-riżultati tal-għajnuna għall-iżvilupp fil-pajjiżi differenti, jew it-titjib tagħha, bil-parteċipazzjoni diretta tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili, li se jippermettui biex jiġu identifikati u jitneħħew l-ostakoli għat-twettiq tal-SDGs. Dan huwa mod li jgħin biex jiġu identifikati u eliminati l-ostakli biex jintlaħqu l-SDGs. F’dan il-qasam, il-KESE għandu esperjenza pożittiva kbira tal-attivitajiet tal- kumitati, il-pjattaformi u l-korpi konsultattivi konġunti, bħall-Kumitat ta’ Segwitu AKP-UE, il-laqgħat tas-soċjetà ċivili bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew u oħrajn.

4.7.3

Fost il-fornituri diretti ta’ għajnuna għall-iżvilupp hemm ukoll l-imsieħba soċjali. It-trejdjunjins fil-pajjiżi żviluppati jwettqu proġetti ta’ żvilupp soċjali u jappoġġjaw l-iżvilupp istituzzjonali ta’ organizzazzjonijiet imsieħba ta’ trejdjunjins. L-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, il-kmamar tal-kummerċ, l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u l-assoċjazzjonijiet settorjali jwettqu proġetti komuni flimkien mal-organizzazzjonijiet tan-negozju fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw imsieħba tagħhom u jgħaddulhom l-esperjenza tagħhom.

4.7.4

L-organizzazzjonijiet mhux governattivi għandhom rwol insostitwibbli fl-għajnuna għall-iżvilupp kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dawn jaġixxu b’mod partikolari meta jkun hemm bżonn li jingħelbu l-konsegwenzi ta’ diżastri naturali u umanitarji, kif ukoll fil-qasam soċjali, tas-saħħa, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-edukazzjoni, eċċ. Dawn jimmobilizzaw ukoll fondi pubbliċi, jorganizzaw ġabriet, kampanji ta’ edukazzjoni, eċċ. Eżempju interessanti huwa wkoll il-finanzjament għall-edukazzjoni permezz ta’ “adozzjoni mill-bogħod”, li jagħmilha possibbli li jiġu żviluppati ħiliet interpersonali bejn ċittadini ordinarji.

4.7.5

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE għat-twettiq tal-SDGs billi jiġu ffinanzjati b’mod adegwat il-programmi li għandhom l-għan jistabbilixxu l-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi msieħba. Bħalissa, il-KESE qed iħejji rapport ta’ informazzjoni biex jirrakkomanda modi kif is-soċjetà ċivili tista’ tiġi involuta fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-aġenda għall-iżvilupp ta’ wara l-2015, u dan ir-rapport ser jikkompleta din l-Opinjoni.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Fis-Summit tan-NU li se jsir fi New York f’Settembru.

(2)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli, ĠU C 271, 19.9.2013, pp. 144.

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-politiki tal-iżvilupp u tal-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, ĠU, C 181, 21.6.2012, pp. 28.

(4)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Protezzjoni Soċjali fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 161, 6.6.2013, p. 82.

(5)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Is-sehem tas-settur privat fil-qafas tal-iżvilupp għal wara l-2015, ĠU C 67, 6.3.2014, pp. 1.

(6)  Ara l-Opinjoni dwar Ir-rwol tal-iżvilupp sostenibbli u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qafas tal-ftehimiet awtonomi ta’ investiment min-naħa tal-UE ma’ pajjiżi terzi, ĠU C 268, 14.8.2015, p. 19.

(7)  Opinjoni REX/359 dwar Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp – It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn, ĠU C 351, 15.11.2012, p. 77.

(8)  Opinjoni REX/438 dwar L-għanijiet għal wara l 2015 fir-reġjun Ewro-Mediterranju, il-punt 6.4, ĠU paġna 47.

(9)  Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u l-membri tal-familji tagħhom, il-Konvenzjoni C 189 dwar il-protezzjoni ta’ ħaddiema domestiċi, u l-Konvenzjoni C 184 dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fl-Agrikoltura, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Protokoll Fakultattiv tagħha u oħrajn.

(10)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Sħubija Globali għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015, COM(2015) 44 final, 5 ta’ Frar 2015.

(11)  “Ix-xenarju dinji tal-finanzjament għall-iżvilupp – min jista’ jikkontribwixxi u kemm?”, minn James Zhan, Direttur fil-UNCTAD, Kap tal-Grupp għall-investimenti u l-intrapriżi, Rapport dwar l-Investiment Dinji tal-UNCTAD, ippreżentat waqt seduta pubbliku fil-Parlament Ewropew, fl-24 ta’ Frar 2015.

(12)  Huwa stmat li l-banek għandhom assi b’valur ta’ USD 121,000 biljun, b’34,000 biljun f’fondi tal-pensjonijiet, 28,000 biljun f’kumpaniji tal-assigurazzjoni, 25,000 biljun f’kumpaniji multinazzjonali u 6,500 biljun f’fondi ta’ investimenti sovrani.

(13)  Dawn jinkludu l-kummerċ, l-agrikoltura, il-ħolqien tal-impjieg, il-protezzjoni soċjali, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, il-ħarsien tal-ambjent u tal-bijodiversità, it-trasport, is-saħħa, il-politika tal-prodotti u tal-konsumatur, l-iżvilupp reġjonali u urban, il-migrazzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.

(14)  TOSSD: L-appoġġ uffiċjali totali għall-iżvilupp sostenibbli.

(15)  http://www.oecd.org/corporate/mne/48004323.pdf

(16)  https://eiti.org/

(17)  http://www.oecd.org/governance/budgeting/PPP-Recommendation.pdf

(18)  http://www.eurodad.org/Entries/view/1546315/2014/12/15/The-State-of-Finance-for-Developing-Countries-2014

(19)  Ara: InfoDev, Crowdfunding’s Potential for the Developing World (“Il-potenzjal tal-finanzjament kollettiv għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw”), 2013, Bank Dinji, Dipartiment tal-Finanzi u l-Iżvilupp tas-Settur Privat.

(20)  Opinjoni tal-KESE It-twettiq tal-potenzjal tal-finanzjament kollettiv fl-Unjoni Ewropea, Brussell, ĠU C 451, 16.12.2014, p. 69

(21)  L-allokazzjonijiet baġitarji annwali għall-ODA totalment jeskludu dawn l-opportunitajiet.

(22)  Il-kumpanija ta’ investiment Belġjana (BIO), imwaqqfa mill-gvern biex tappoġġja s-settur tan-negozju fil-pajjiżi Afrikani, ittrasferiet parti mill-fondi tagħha allokati għas-self lill-imprendituri lejn fondi oħra ta’ investiment u irkuprathom gradwalment, skont il-ħtiġijiet tagħha.

(23)  http://www.leadinggroup.org/rubrique69.html

(24)  Il-Forum tal-Politika għall-Iżvilupp www.friendsofeurope.org/policy-area/global-europe/, u l-Forum Politiku dwar l-Iżvilupp www.uclg.org


17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-valutazzjoni tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati mill-Kummissjoni Ewropea”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 383/09)

Relatur:

is-Sur Ronny LANNOO

Nhar l-20 ta’ Jannar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (minn issa ‘l quddiem il-KESE) iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“Il-valutazzjoni tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati mill-Kummissjoni Ewropea”

Is-Sottokumitat “Il-valutazzjoni tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati mill-Kummissjoni Ewropea”, inkarigat sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adotta l-Opinjoni tiegħu nhar id-9 ta’ Ġunju 2015.

Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tat-2 ta’ Lulju) il-KESE adotta din l-Opinjoni b’179 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

Introduzzjoni

L-għan ta’ din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li tanalizza l-metodi attwali tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati mill-Kummissjoni, kif previst mill-Artikolu 11(3) tat-Trattat. Abbażi ta’ din l-analiżi, l-Opinjoni tiżviluppa proposti kostruttivi u realisti biex jittejjeb b’mod strutturali l-proċess ta’ konsultazzjoni u biex jiġi żgurat monitoraġġ, fl-interess tal-partijiet kollha.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

F’din l-opinjoni l-KESE jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati, prevista mit-Trattat, biex tiżdied il-kwalità ta’ dawn il-konsultazzjonijiet u biex jitnaqqas id-distakk bejn iċ-ċittadini u l-Ewropa. Dan l-eżerċizzju qed isir ukoll mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ konsultazzjoni mifruxa mal-partijiet interessati dwar il-proċeduri ta’ konsultazzjoni, u dan issarraf fil-pakkett dwar ir-regolamentazzjoni aħjar, tal-Viċi President Timmermans. Fuq talba tal-Kummissjoni, il-KESE ser joħroġ ukoll Opinjoni dwar il-pakkett sħiħ “Regolamentazzjoni aħjar”.

1.2.

Il-KESE huwa mħasseb dwar il-mod kif il-konsultazzjoni qed issir bħalissa mal-partijiet interessati u, għalhekk, anke dwar il-kwalità tar-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni. Għalhekk il-Kumitat jitlob li jsiru konsultazzjonijiet stabbli, rappreżentattivi, li jiżguraw valur miżjud għall-organizzazzjonijiet u l-gruppi ta’ interess konċernati.

1.3.

L-analiżi ta’ kampjun tal-konsultazzjonijiet, li saret mill-KESE fl-ewwel nofs tal-2014, wasslet biex il-Kumitat jiddeċiedi li: l-approċċ kwalitattiv ivarja skont id-DĠ kkonċernat; l-għadd ta’ tweġibiet huwa insuffiċjenti u għalhekk iwassal għal nuqqas ta’ rappreżentattività; il-lingwa u t-terminoloġija mhumiex adattati għall-udjenzi fil-mira; u hemm nuqqas ta’ rappurtar dwar ir-riżultati u l-monitoraġġ tagħhom. Għaldaqstant, b’mod ġenerali, jista’ jiġi konkluż li l-linji gwida fis-seħħ s’issa mhux qed jiġu applikati biżżejjed.

1.4.

Konxju ta’ kemm huwa diffiċli li tiġi konsultata l-firxa ta’ ċittadini u organizzazzjonijiet fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qed ifassal għadd ta’ proposti strutturali, konkreti u realistiċi, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkoopera b’mod kostruttiv fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-miżuri ġodda.

1.5.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel il-linji gwida u standards tal-kwalità eżistenti vinkolanti għad-direttorati ġenerali fil-konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida, il-Kumitat jipproponi li tinħoloq unità ta’ koordinazzjoni fil-livell tas-Segretarjat Ġenerali, li tkun tista’ tipprovdi appoġġ lid-DĠs fil-konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

1.6.

Approċċ aktar strateġiku għall-proċess ta’ konsultazzjoni, mit-tħejjija sal-evalwazzjoni, li jipprevedi parteċipazzjoni sistematika tal-istrutturi konċernati (organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-gruppi fil-mira u korpi konsultattivi u ta’ konċiljazzjoni), għandu jiżgura kwalità u iktar risposti. Jekk il-konsultazzjonijiet jiġu ppjanati aħjar u l-għan tagħhom jiġi komunikat, dan jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati.

1.7.

Il-Kumitat jenfasizza li huwa kruċjali għal proċedura ta’ konsultazzjoni ta’ kwalità li ssir identifikazzjoni korretta tal-partijiet interessati. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni tuża l-istrutturi eżistenti – bħall-Kumitat u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi – u li tibbaża fuq ir-reġistru tat-trasparenza. Għaldaqstant m’hemmx bżonn li jinħolqu strutturi ġodda.

1.8.

Il-KESE jqis li għandhom jiġu razzjonalizzati mill-ġdid il-metodi u l-għodod li jintużaw għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati. Bażikament hemm żewġ metodi possibbli għall-konsultazzjoni: bil-miktub/onlajn jew bil-fomm/fi djalogi interattivi. Għandhom jintgħażlu l-metodi u l-istrumenti adatti skont l-għan mixtieq, il-grupp fil-mira, eċċ., u dan fil-qafas tal-approċċ strateġiku tal-proċess ta’ konsultazzjoni. Barra minn hekk, għandhom jiġu introdotti b’mod effikaċi t-teknoloġiji l-ġodda, b’mod partikolari biex jintlaħqu ċerti gruppi fil-mira, bħal pereżempju ż-żgħażagħ.

1.9.

F’dan l-approċċ għandha ssir distinzjoni bejn il-konsultazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u dawk mal-pubbliku inġenerali. Id-differenza bejniethom mhijiex biss il-metodu iżda l-għan, peress li għal dawk tal-ewwel iridu jiżguraw ir-rappreżentattività filwaqt li għat-tieni, iridu jippromovu l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni.

1.10.

Meta tintgħażel is-soluzzjoni tal-kwestjonarju bil-miktub, il-KESE huwa tal-fehma li dan għandu jkun disponibbli fil-lingwi kollha uffiċjali tal-UE. Barra minn hekk, il-KESE jitlob li l-kwestjonarju jiġi preżentat minn qabel lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-gruppi fil-mira kkonċernati sabiex jiġi evitat li minħabba terminoloġija wisq speċjalizzata ma jkunx jista’ jinftiehem minn dawn il-gruppi.

1.11.

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li fl-ipproċessar tar-riżultati jiġi previst koeffiċjent ta’ korrezzjoni kwantitattiv u kwalitattiv skont jekk it-tweġiba tkunx ingħatat minn individwu jew minn organizzazzjoni rappreżentattiva tas-soċjetà ċivili. B’hekk it-tweġibiet mingħand organizzazzjoni rappreżentattiva għandhom jingħataw koeffiċjent ta’ korrezzjoni ikbar.

1.12.

Sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fil-konsultazzjonijiet, il-KESE jenfasizza l-importanza li għal kull konsultazzjoni jsir rapport ta’ sintesi bir-risposti riċevuti u li dan jindika wkoll għaliex ċerti tweġibiet ikunu tqiesu jew ma jkunux tqiesu meta tħejjiet il-proposta.

1.13.

Fid-dawl tar-rwol tiegħu previst mit-Trattati, il-Kumitat jipproponi li jaqdi r-rwol ta’ faċilitatur biex il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati jkollha ċans ikbar li tirnexxi. Huwa jista’ jieħu sehem u jikkoopera f’kull fażi importanti tal-proċess (l-identifikazzjoni tal-partijiet interessati, it-tħejjija tal-kwestjonarji, is-sintesi u l-monitoraġġ tar-riżultati). Sabiex tingħata strutturazzjoni, stabbiltà u rappreżentattività lill-proċess, il-Kumitat, bħalma għamel fil-passat, jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u konferenzi kif ukoll jistabbilixxi pjattaformi u fora tad-djalogu.

1.14.

Fil-qafas tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati, il-Kummissjoni Ewropea għandha tisfrutta iktar il-potenzjal li toffri kooperazzjoni msaħħa mal-Kumitat, bħalma huwa rakkomandat fil-protokoll ta’ kooperazzjoni ffirmat fit-22 ta’ Frar 2012 mill-Kumitat u l-Kummissjoni (1). Bis-saħħa t’hekk, sabiex jiġu ottimizzati r-riżorsi u biex ikun hemm approċċ ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali, ikunu jistgħu jiġu sfruttati kemm il-kompetenzi u l-għarfien speċifiċi tal-partijiet interessati kif ukoll l-ispeċjalizzazzjoni, l-esperjenza u l-kompetenza fil-konsultazzjonijiet.

1.15.

Fir-rigward tal-laqgħat interattivi, il-KESE jista’ jikkoopera mal-Kummissjoni bħala organizzatur, bħalma diġà jagħmel b’mod regolari fil-pjattaformi ta’ djalogu strutturati (pereżempju dwar l-immigrazzjoni u l-konsum).

1.16.

Fl-aħħar nett, il-KESE jappella għal kampanja ta’ informazzjoni sostnuta dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni u l-konsultazzjonijiet. Il-Kumitat jixtieq jieħu sehem attiv flimkien mal-organizzazzjonijiet li huwa jirrappreżenta.

1.17.

Barra minn hekk, il-KESE, kemm bħala promotur tad-djalogu ċivili strutturat kif ukoll bħala strument fundamentali tad-demokrazija parteċipattiva, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel użu ikbar mill-pjattaformi tad-djalogu strutturat. B’hekk ikun jista’ jkun wieħed mill-atturi involuti b’mod kontinwu fil-fażijiet kollha tal-proċess politiku, u jkollu wkoll impatt pożittiv mil-lat tal-ispejjeż u l-ħin.

2.   Is-sitwazzjoni attwali tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati

2.1.    Dispożizzjonijiet

2.1.1.

B’konformità mal-Artikolu 11(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: “Sabiex tassigura li l-azzjonijiet tal-Unjoni jkunu koerenti u trasparenti, il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel konsultazzjonijiet wiesgħa [sic.] mal-partijiet konċernati.”

Dawn il-konsultazzjonijiet huma intiżi biex jiżguraw il-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili organizzata u taċ-ċittadini biex, meta jitħejjew il-politiki, jiġi identifikat l-interess ġenerali Ewropew, sabiex jiġu żgurati r-rilevanza demokratika tagħhom u appoġġ pubbliku mifrux kemm jista’ jkun.

2.1.2.

Il-“konsultazzjoni” hija proċess li permezz tiegħu l-Kummissjoni tiġbor l-opinjonijiet u l-fehmiet taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati. Dan il-proċess komplementari jsir bla ħsara għad-djalogu ċivili strutturat (l-Artikolu 11(2) tat-TFUE) u l-konsultazzjonijiet li jsiru f’kuntesti speċifiċi, bħall-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-qafas tad-djalogu soċjali (l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u t-trejdjunjins (l-Artikolu 154 tat-TFUE) jew il-konsultazzjoni tal-korpi konsultattivi bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (l-Artikolu 304 tat-TFUE) (2), li bl-ebda mod ma jista’ jissostitwihom.

2.1.3.

Minbarra l-konsultazzjoni fil-qafas tal-Artikolu 154 tat-TFUE, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins u ta’ min iħaddem, jieħdu sehem b’mod ħiħ fil-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafi 2.1.1 u 2.1.2, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-liġi ambjentali, il-politika kummerċjali, eċċ.

It-Trattati jagħtu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew funzjoni konsultattiva fir-rigward tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, hemm protokoll ta’ kooperazzjoni (3) li jagħti d-detallji konkreti tal-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Kummissjoni.

2.2.    Linji gwida għall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

2.2.1.

Fl-2002, il-Kummissjoni Ewropea kienet stabbiliet standards minimi (4) għall-konsultazzjoni applikabbli b’mod obbligatorju għall-konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati, dwar kull proposta, leġislattiva jew mhux leġislattiva. Fil-qafas tal-programm REFIT, il-Kummissjoni kienet ħabbret ukoll li kellhom isiru konsultazzjonijiet għall-valutazzjonijiet, ir-rapporti tal-kwalità u t-tħejjija ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni (5).

2.2.2.

Il-Kummissjoni Ewropea, fil-linji gwida tagħha tal-2002 għad-DĠs huma u jwettqu l-konsultazzjonijiet, fost oħrajn tipprevedi l-pubblikazzjoni tan-noti spjegattivi dwar it-tema konċernata, il-kontenut tagħhom u l-għan tal-konsultazzjoni. Huwa ppjanat ukoll li fi tmiem il-konsultazzjoni jiġu pubblikati in-numru ta’ tweġibiet, in-natura ta’ dawk li wieġbu u sommarju tar-riżultati.

2.2.3.

Dwar il-multilingwiżmu, bħalissa m’hemm l-ebda regola formali fis-seħħ.

2.2.4.

Il-linji gwida u l-istandards minimi tal-2002 li għandhom jiġu rispettati fil-konsultazzjoni tal-partijiet interessati jistabbilixxu għaxar stadji fil-proċess ta’ konsultazzjoni, maqsuma fi tliet fażijiet: il-ħolqien ta’ strateġija (6), l-implimentazzjoni tal-konsultazzjoni (7), l-analiżi tar-riżultati (8).

2.2.5.

Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa tipprevedi tnax-il metodu differenti fir-rigward tal-konsultazzjonijiet preparatorji tagħha skont l-objettivi u l-pubbliku fil-mira. Dawn it-tnax-il metodu huma: konsultazzjoni pubblika miftuħa, onlajn; studji; l-Ewrobarometru; konferenzi, seduti pubbliċi, laqgħat mal-partijiet konċernati; laqgħat, workshops, seminars mal-partijiet konċernati direttament; gruppi fil-mira; intervisti personali; grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni Ewropea; bordijiet tal-SMEs; konsultazzjoni tal-awtoritajiet lokali jew reġjonali; kwestjonarji; fora ta’ diskussjoni onlajn.

2.3.    Applikazzjoni tal-linji gwida fil-prattika

2.3.1.

Minkejja dawn il-linji gwida u l-għadd kbir ta’ metodi u strumenti possibbli, ħafna partijiet interessati jikkritikaw l-effikaċja tas-sistema attwali ta’ konsultazzjoni. Fost l-ostakli speċifiċi hemm id-diffikultà li jiġu infurmati dwar il-konsultazzjoni (il-possibbiltà li jsibu l-informazzjoni faċilment fis-siti tal-Internet tal-UE u l-pubbliċità tal-konsultazzjoni), il-lingwa u t-terminoloġija, l-informazzjoni dwar ir-riżultati u, finalment, il-monitoraġġ.

2.3.2.

Barra minn hekk, il-kwalità u l-approċċ tal-konsultazzjonijiet ivarjaw ħafna skont id-DĠ konċernat, u hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni u approċċ metodoloġiku uniformi.

2.3.3.

Il-KESE eżamina, abbażi ta’ teħid ta’ kampjuni, l-applikazzjoni tal-linji gwida fil-kuntest tal-ewwel 25 konsultazzjoni li saru fl-2014. Abbażi ta’ dan it-teħid ta’ kampjuni, jista’ jiġi osservat li:

il-parteċipazzjoni fil-konsultazzjonijiet onlajn hija varjabbli ħafna (9);

fejn kien hemm ftit rispondenti, ir-rappreżentattività hija de facto ħażina, kemm f’termini ġeografiċi kif ukoll f’termini tal-kategorija tar-rispondenti. Fil-każ ta’ għadd sinifikanti ta’ tweġibiet, ir-rappreżentattività ġeografika tidher aħjar iżda fil-bqija ħafna drabi tidher żbilanċjata fir-rigward tal-kwalità tat-tweġibiet. Madankollu, hemm tendenza ċara li jiddominaw l-Istati Membri “l-kbar”. Barra minn hekk, it-tweġibiet tal-organizzazzjonijiet ibbażati fi Brussell jitqiesu bħala li joriġinaw mill-Belġju, filwaqt li f’ħafna każijiet huma federazzjonijiet jew organizzazzjonijiet ta’ lobbying Ewropej li mhumiex konnessi mal-Belġju bħala Stat Membru;

f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasparenza u l-feedback dwar ir-riżultati, mill-kampjun tal-25 konsultazzjoni jidher li għal 6 minnhom biss ġie ppubblikat sommarju tar-riżultati, inqas minn kwart tal-każijiet. F’inqas minn nofs il-konsultazzjonijiet, ir-reazzjonijiet ġew pubblikati wkoll. Fl-ebda każ ma ġiet provduta iktar informazzjoni dwar il-monitoraġġ tad-dossier.

Bħala konklużjoni, b’mod ġenerali hemm nuqqas ta’ rappreżentattività, kwalità u informazzjoni dwar ir-riżultati u l-monitoraġġ.

3.   Il-Kummissjoni attwali: metodi ta’ ħidma u perspettivi ġodda

3.1.

Fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, it-tisħiħ tad-demokrazija fl-Unjoni Ewropea hija fost l-10 prijoritajiet. L-għan tal-ħolqien ta’ reġistru obbligatorju għall-organizzazzjonijiet u l-individwi kollha involuti f’lobbying mal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew jinsab fil-qalba ta’ din il-prijorità.

3.2.

Fid-19 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni ppubblikat pakkett ta’ miżuri għar-regolamentazzjoni aħjar (10) li dwaru l-Kumitat ser joħroġ Opinjoni, fuq talba tal-Kummissjoni. Il-miżuri previsti huma bbażati fuq erba’ assi: approċċ ta’ trasparenza u ta’ konsultazzjoni, eżami mill-ġdid permanenti tal-leġislazzjoni eżistenti, valutazzjonijiet tal-impatt u kontroll ta’ kwalità aħjar, u ftehim interistituzzjonali ġdid.

3.3.

F’dan il-kuntest, qed jiġu proposti wkoll linji gwida adattati għall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Bħala tħejjija għal dawn il-proposti, ġiet organizzata konsultazzjoni (11) dwar il-“linji gwida għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati”. Ir-riżultati (12) ta’ din il-konsultazzjoni pubblika ġew ikkunsidrati f’din l-Opinjoni.

4.   Intejbu l-effikaċja tal-konsultazzjonijiet: rakkomandazzjonijiet

Il-KESE jqis il-konsultazzjoni bħala wieħed mill-mezzi ewlenin biex jingħalaq id-distakk maċ-ċittadini Ewropej, dejjem sakemm il-proċeduri jkunu strutturati, kontinwi, u jiżguraw rappreżentattività tajba tal-partijiet interessati. B’hekk il-konsultazzjonijiet jikkontribwixxu biex iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili jiġu involuti mill-qrib fil-proġett Ewropew.

Għal dan l-għan, il-KESE diġà ressaq proposti konkreti, b’mod partikolari fl-Opinjonijiet tiegħu dwar il-konsultazzjoni fil-kuntest tal-programm għar-regolamentazzjoni aħjar, dwar l-Artikolu 11 tat-TFUE u l-programm REFIT (13).

4.1.    Elementi essenzjali tal-proċess ta’ konsultazzjoni

4.1.1.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex timponi fuq id-direttorati ġenerali l-linji gwida interni eżistenti u biex tippenalizza n-nuqqas ta’ konformità (pereżempju fil-każ ta’ nuqqas ta’ trasparenza ta’ tweġibiet jew tar-rapport tal-analiżi), bħalma n-nuqqas ta’ kwalità tal-valutazzjoni tal-impatt jiġi penalizzat mill-Kumitat tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt.

4.1.2.

Għal dan l-għan il-KESE jappella għal unità ta’ koordinazzjoni fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali, taħt il-kontroll dirett tal-viċi president kompetenti tal-Kummissjoni. Din l-unità tkun tipprovdi wkoll l-appoġġ tagħha għad-DĠs kollha fl-approċċ komprensiv u l-istrateġija tal-konsultazzjonijiet, it-tħejjija u l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ kwalità u tal-proċeduri, l-akkumpanjament rigward il-kwalità, l-informazzjoni u l-monitoraġġ.

4.1.3.

L-unità tal-koordinazzjoni tkun assistita minn grupp ta’ esperti, li miegħu jiżdiedu r-rappreżentanti tal-gruppi fil-mira li jkunu qed jiġi kkonsultati. Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni tinvolvi l-ispeċjalizzazzjoni tal-Kumitat, b’mod partikolari fir-rigward tal-għażla tal-gruppi fil-mira, il-validazzjoni tal-kwestjonarji, is-sintesi u l-monitoraġġ tar-riżultati.

4.1.4.

Approċċ aktar sistematiku għall-konsultazzjonijiet, bi skeda speċifika u mħabbra minn qabel, għandu jgħin lill-partijiet interessati biex jitħejjew għall-parteċipazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, skeda provviżorja tal-konsultazzjonijiet, affidabbli u aġġornata regolarment, hija indispensabbli. B’mod aktar ġenerali, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tistruttura dawn il-konsultazzjoni b’mod aħjar, b’mod partikolari fuq bażi istituzzjonali u billi tisfrutta r-riżorsi tal-korpi konsultattivi jew l-ekwivalenti tagħhom fil-livell tal-Istati Membri, dak tar-reġjuni u dak lokali.

4.1.5.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni li kull sena tippubblika valutazzjoni tal-approċċ tagħha tal-konsultazzjonijiet u r-riżultati tagħhom.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni li toħloq, bħala sors ta’ ispirazzjoni, inventarju tal-aħjar prattiki identifikati fost l-Istati Membri. Għal dan l-għan, l-istudji tal-OECD dwar din it-tema jistgħu jkunu utli ħafna (14). Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li tiġi mħeġġa kull forma oħra ta’ impenn u ta’ parteċipazzjoni ċivili. “Le Code de Bonnes Pratiques pour Participation Civile au processus décisionnel” (Il-Kodiċi ta’ Prattiki Tajbin għall-Parteċipazzjoni Ċivili fil-Proċess tat-Teħid tad-Deċiżjonijiet), tal-Kunsill tal-Ewropa tista’ tkun eżempju tajjeb (15).

4.2.    Identifikazzjoni tal-partijiet interessati

4.2.1.

Id-definizzjoni korretta tal-grupp fil-mira tal-konsultazzjoni hija essenzjali biex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa. Hemm bżonn għodod professjonali b’affidabbiltà provata. Huwa daqstant indispensabbli li tiġi żgurata kooperazzjoni mal-istrutturi eżistenti, mal-Kumitat u mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi u leġittimi tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jista’ jieħu sehem, fil-qafas tal-kompetenzi tiegħu u l-kooperazzjoni tajba mal-organizzazzjonijiet konċernati u mal-Kummissjoni, fl-identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi fi ħdan ċerti gruppi identifikati.

4.2.2.

Il-ħidma mwettqa mill-KESE (16) fid-definizzjoni tal-kriterji ta’ rappreżentattività tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata tista’ titqies bħala punt ta’ riferiment fil-proċess ta’ identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi msemmija hawn fuq. Il-KESE jixtieq ukoll isaħħaħ l-impatt tal-organizzazzjonijiet u tal-kooperazzjoni magħhom matul il-konsultazzjonijiet.

4.2.3.

Tqassim ġeografiku tajjeb u skont il-grupp fil-mira għandu jkun għan sistematiku. Fl-identifikazzjoni tal-partijiet interessati jeħtieġ ukoll li tiġi żgurata attenzjoni addizzjonali lill-gruppi sottorappreżentati jew li għandhom inqas riżorsi.

4.2.4.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġi introdott mekkaniżmu ta’ peżar ġustifikat fl-analiżi tar-risposti għall-konsultazzjonijiet, sabiex tingħata prijorità lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi u kkonċernati direttament.

4.2.5.

Sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fil-konsultazzjonijiet, il-kontenut tal-feedback wara dawn il-konsultazzjonijiet isir ferm importanti. Jeħtieġ li l-partijiet interessati jkunu jistgħu josservaw ir-riżultat tal-kontribut tagħhom u b’hekk li jħossu li kellhom influwenza ġenwina fuq il-proposti ppreżentati jew li jingħataw ir-raġunijiet għaliex ċerti elementi ma ġewx ikkunsidrati.

4.3.    Metodoloġija u strumenti

4.3.1.

Il-KESE jista’ jaġixxi bħala “netwerk tan-netwerks”, biex jinxterdu l-konsultazzjonijiet bil-miktub (onlajn) fost diversi partijiet interessati (bħalma jagħmel il-Kumitat tar-Reġjuni mal-awtoritajiet lokali). Fir-rigward tal-laqgħat interattivi, il-KESE jista’ jaġixxi bħala organizzatur minħabba r-relazzjonijiet tiegħu u tabilħaqq l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu wkoll.

4.3.2.

Il-kwestjonarju tal-konsultazzjoni (onlajn) irid jitressaq għall-kummenti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew il-gruppi fil-mira konċernati, u dan fil-lingwa tal-pubbliku fil-mira. Barra minn hekk qed jiġi indikat ukoll li l-kwestjonarju għandu jiġi ttestjat minn bord ta’ partijiet interessati. Għal dan l-għan, l-identifikazzjoni minn qabel tal-atturi konċernati u r-reġistru ta’ trasparenza jistgħu jintużaw bħala għodda biex jiġu indirizzati dawn l-organizzazzjonijiet (ara l-punt 4.2). Sabiex titwettaq din l-identifikazzjoni, il-KESE jista’ jaqdi rwol ta’ faċilitatur.

4.4.    Skeda u tul ta’ żmien

4.4.1.

Il-linji gwida jipprevedu li, għal konsultazzjoni onlajn, għandha tiġi prevista skadenza ta’ mill-inqas 12-il ġimgħa, perjodu li fih 20 jum ta’ ħidma għall-konsultazzjoni interattiva. Il-KESE jirrakkomanda li ma titnediex konsultazzjoni fis-sajf. Barra minn hekk, għandha tiġi rispettata mill-inqas skeda ta’ żmien provviżorja (ara l-punt 4.1.4).

Sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jitħejjew għall-parteċipazzjoni fil-konsultazzjonijiet, il-KESE jikkunsidra li jkun xieraq li jingħataw biżżejjed informazzjoni dwar il-proċess kollu ta’ tħejjija u dwar l-ippjanar tal-konsultazzjonijiet (differenti). Għandu jintuża kull mezz biex jieħdu sehem il-partijiet interessati.

4.5.    Pubblikazzjoni tal-konsultazzjoni: aċċessibbiltà u viżibbiltà

4.5.1.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, inklużi d-delegazzjonijiet tagħha fl-Istati Membri, biex tiżviluppa kampanja ta’ informazzjoni effettiva u sostnuta biex tħabbar il-konsultazzjonijiet u biex tinkoraġġixxi lill-partijiet interessati jieħdu sehem. Il-Kumitat mingħajr dubju jista’ jaqdi rwol ukoll f’dan ir-rigward u jitlob lill-membri tiegħu biex ixxerrdu l-informazzjoni fi ħdan in-netwerk tagħhom.

4.5.2.

Kull konsultazzjoni ser titħabbar b’mod ċar, b’mod adatt u f’ħin propizju, fil-midja tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kkonċernati. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni fl-Istati Membri għandhom ikunu involuti wkoll f’dan l-approċċ globali.

4.6.    Analiżi tar-riżultati

4.6.1.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tqis il-fehmiet li jitressqu waqt il-konsultazzjonijiet u li tiġġustifika l-mod kif ikkunsidrathom.

4.6.2.

Matul l-ippeżar spjegat fit-trattament tar-riżultati (ara l-punt 4.2.3), l-atturi tas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali għandhom ikunu proporzjonalment l-iżjed rappreżentati.

4.7.    Rapport u feedback

4.7.1.

Il-KESE jappoġġja l-pubblikazzjoni ta’ rapport ta’ sintesi flimkien mat-tweġibiet kollha riċevuti. B’hekk tiġi promossa t-trasparenza.

4.7.2.

Barra minn hekk, il-KESE jappella biex tingħata informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-proċeduri – b’mod partikolari lir-rispondenti – l-iktar fir-rigward tal-aġġustamenti tal-proposta u l-istadji sussegwenti fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni.

5.   Ir-rwol tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

5.1.    Fil-qafas tal-proċess ta’ konsultazzjoni

5.1.1.

Sabiex jiġu ottimizzati r-riżorsi u biex ikun hemm approċċ ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali, fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet il-Kumitat jista’ joffri kemm l-għarfien tiegħu u tal-partijiet interessati attivi fid-diversi politiki tal-UE kif ukoll l-ispeċjalizzazzjoni, l-esperjenza u l-kompetenza tiegħu fil-konsultazzjonijiet.

5.1.2.

F’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, u skont il-prijoritajiet tal-ħidma tiegħu, bħala monitoraġġ u valutazzjoni ta’ ċerti konsultazzjonijiet, il-KESE jixtieq iħejji opinjoni dwar dan, u jekk hemm bżonn, jorganizza seduta pubblika.

5.1.3.

Il-Kumitat, jixtieq li, f’kooperazzjoni tajba mal-organizzazzjonijiet konċernati, joffri l-kontribut u l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni matul l-istadji kruċjali tal-proċess ta’ konsultazzjoni, b’mod partikolari fis-selezzjoni tal-grupp fil-mira, il-kwestjonarju, fis-sintesi u fil-monitoraġġ.

5.1.4.

Il-KESE jista’ jaġixxi kemm bħala “netwerk tan-netwerks” kif ukoll bħala faċilitatur, biex jinxterdu l-konsultazzjonijiet bil-miktub (onlajn) fost diversi partijiet interessati (bħalma jagħmel il-Kumitat tar-Reġjuni mal-awtoritajiet lokali).

5.1.5.

Fir-rigward tal-laqgħat interattivi, il-KESE jista’ jikkoopera mal-Kummissjoni bħala organizzatur, bħalma diġà jagħmel b’mod regolari fil-pjattaformi ta’ djalogu strutturati (pereżempju dwar l-immigrazzjoni u l-konsum).

5.1.6.

Fil-kuntest ta’ kampanja ta’ informazzjoni effettiva u sostnuta, il-Kumitat jista’ jikkontribwixxi billi jitlob lill-membri tiegħu biex ixxerrdu l-informazzjoni fi ħdan in-netwerk tagħhom.

5.2.    Fil-qafas tal-protokoll ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-KESE

5.2.1.

Il-KESE jista’, fi stadji varji tat-tħejjija, tal-implimentazzjoni u tal-monitoraġġ tal-konsultazzjoni, iservi bħala mezz ta’ komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u s-soċjetà ċivili organizzata.

5.2.2.

Għal ċerti attivitajiet, bħal-laqgħat interattivi, tista’ tiġi żviluppata azzjoni konġunta bejn il-Kummissjoni u l-Kumitat.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.eu-cooperation&itemCode=22470

(2)  L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kumitat jiġi kkonsultat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fil-każijiet previsti mit-Trattati. Il-Kumitat jista’ jiġi kkonsultat minn dawn l-istituzzjonijiet kull meta jidhrilhom xieraq. Jista’ joħroġ opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess meta jidhirlu li jkun xieraq li jagħmel hekk.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni għandhom, jekk jaħsbu li jkun hemm bżonn ta’ dan, jagħtu żmien definit lill-Kumitat sabiex jippreżenta l-opinjoni tiegħu, liema terminu m’għandux ikun ta’ anqas minn xahar mid-data meta l-president jirċievi n-notifika f’dan is-sens. Meta jagħlaq iż-żmien stabbilit, in-nuqqas ta’ opinjoni m’għandux jimpedixxi azzjoni ulterjuri.

L-opinjoni tal-Kumitat, flimkien ma’ rendikont tal-proċeduri, għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(3)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.eu-cooperation.22470

(4)  COM(2002) 704, kif inhi kompletata u modifikata minn COM(2012) 746 SWD(2012) 422.

(5)  COM(2014) 368.

(6)  1. jitfassal l-għan tal-konsultazzjoni; 2. tiġi stabbilita l-identifikazzjoni tal-partijiet involuti; 3. jiġu determinati l-metodoloġija u l-istrumenti; 4. jiġu stabbiliti l-iskeda u t-tul ta’ żmien.

(7)  1. titħejja paġna tal-Internet; 2. tiġi pubblikata l-konsultazzjoni; 3. jiġu rikonoxxuti l-kontributi riċevuti.

(8)  1. issir analiżi tar-riżultati; 2. jiġi stabbilit rapport u jingħata feedback 3. tiġi valutata l-konsultazzjoni.

(9)  L-għadd ta’ parteċipanti huwa indikat biss għal 13-il konsultazzjoni minn 25. L-għadd ta’ rispondenti jvarja bejn 14 u 1  114. Nofshom kellhom inqas min 100 tweġiba.

(10)  http://ec.europa.eu/smart-regulation/index_en.htm

(11)  Konsultazzjoni dwar il-linji gwida għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati, li saret bejn it-30 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru 2014: http://ec.europa.eu/smart-regulation/guidelines/consultation_2014/stakeholder-consultation/index_en.htm

(12)  http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/docs/contributions/summary_responses_stakeholder_consultation_guidelines_public_consultation_en.pdf

(13)  Opinjoni tal-KESE: Regolamentazzjoni Aħjar, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 107.

Opinjoni tal-KESE: Prinċipji, proċeduri u azzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat ta’ Lisbona, ĠU C 11, 15.1.2013, p. 8.

Opinjoni tal-KESE: Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Is-sitwazzjoni attwali u l-perspettivi, ĠU C 230, 14.7.2015, p. 66.

(14)  http://www.oecd.org/gov/regulatory-policy/governance-regulators.htm

(15)  http://www.coe.int/t/ngo/code_good_prac_fr.asp

(16)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 88, 11.4.2006, p. 41 (mhux disponibbli bil-Malti).


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Il-509 sessjoni plenarja tal-KESE tad-1 u l-2 ta' Lulju 2015

17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Green Paper – Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali”

(COM(2015) 63 final)

(2015/C 383/10)

Relatur:

is-Sur Juan MENDOZA CASTRO

Korelatur:

is-Sinjura Milena ANGELOVA

Nhar id-9 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Green Paper – Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali”

(COM(2015) 63 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Ġunju 2015.

Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tal-1 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’100 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jappoġġja l-Green Paper dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali, jistenna l-proposti tal-Kummissjoni dwar x’bidliet jista’ jkun hemm bżonn sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fid-dokument u jesprimi t-twemmin tiegħu li l-miżuri proposti ser ikunu bbażati fuq konsiderazzjoni bbilanċjata tal-fehmiet tal-partijiet interessati kollha.

1.2

L-għan tal-inizjattiva tal-Kummissjoni għandu jkun li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal settur effiċjenti u modern tas-servizzi finanzjarji b’regolamenti adatti, li jagħti l-aċċess għall-fornituri tal-kapital minn kumpaniji li qed ifittxu investiment, b’mod speċjali l-SMEs u l-kumpaniji b’rata għolja ta’ tkabbir.

1.3

Il-KESE jara s-swieq kapitali bħala aggregazzjonijiet ta’ likwidità, fejn il-kumpaniji jistgħu jiġbru l-fondi u jinnegozjaw strumenti finanzjarji, u jappoġġja bis-sħiħ l-għan aħħari tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali – biex tingħeleb il-frammentazzjoni attwali tas-swieq u b’hekk ikun possibbli l-elenkar tat-tipi kollha ta’ kumpaniji.

1.4

Billi Unjoni tas-Swieq Kapitali hija, sa ċertu punt, realtà għal kumpaniji kbar, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri li ser jippermettu wkoll lill-SMEs biex jibbenefikaw minnha.

1.5

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha ttejjeb il-finanzjament tal-ekonomija fuq perjodu twil ta’ żmien billi tisfrutta l-potenzjal għall-promozzjoni tal-aħjar prattiki ta’ governanza korporattiva u responsabilità soċjali korporattiva, billi tiffoka mhux biss fuq objettivi ekonomiċi iżda wkoll dawk ambjentali u soċjali.

1.6

Il-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs għandhom jitqiesu b’mod espliċitu fi kwalunkwe deċiżjoni futura relatata mal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li tittieħed azzjoni deċiżiva u malajr fid-direzzjonijiet li ġejjin:

Jiġi żviluppat suq sekondarju;

Jitfassal standard semplifikat u waħdieni għar-rekwiżiti kwalitattivi u kwantitattivi għall-elenkar tal-SMEs fis-swieq regolati tal-istrumenti finanzjarji;

Jiġu introdotti klassifikazzjonijiet tal-kreditu skont metodoloġija standardizzata trasparenti;

Jiġu aċċettati kriterji semplifikati standardizzati (mudell) għar-reġistrazzjoni fi swieq regolati, li jinkludu pjan ta’ negozju ta’ nofs it-term għall-investimenti u l-iżvilupp tan-negozju, minbarra informazzjoni finanzjarja dettaljata.

Jinħolqu aktar prodotti ta’ investiment “imfassla apposta” peress li dawn għandhom jirriflettu aktar mill-qrib il-ħtiġijiet tal-kumpaniji;

Jiġu aġġornati u amalgamati d-definizzjonijiet tal-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju fl-aspetti differenti tal-leġislazzjoni tal-UE, sabiex jirriflettu aħjar il-varjetà tal-SMEs u d-differenzi bejn l-Istati Membri;

Tingħata definizzjoni ta’ kumpanija emerġenti b’rata ta’ tkabbir u dik ta’ b’rata għolja ta’ tkabbir, u tingħata attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet ta’ dawn il-kumpaniji fis-suq tal-kapital;

Jinħoloq mudell Ewropew waħdieni ta’ segmentazzjoni tal-borża, li jiddistingwi bejn SMEs ibbażati fuq it-tip tagħhom bħala emittenti, jew jinħolqu segmenti speċjalizzati fis-swieq regolati nazzjonali rispettivi.

Jitħeġġeġ it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-korpi nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur u l-aġenziji tar-regolazzjoni finanzjarja.

L-investituri jiġu pprovduti b’kundizzjonijiet li jkunu mill-anqas komparabbli ma’ dawk fis-swieq internazzjonali, jekk mhux aħjar minnhom.

1.7

Il-KESE jaqbel mal-fatt li fil-Green Paper jiġi rikonoxxut li proporzjon baxx ħafna tat-tfaddil domestiku jsib triqtu lejn investimenti aktar produttivi minn bonds tal-gvern jew depożiti bankarji, speċjalment f’dan iż-żmien ta’ ripressjoni finanzjarja għal dawk li jfaddlu.

1.8

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-attività bankarja tradizzjonali għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja Ewropea.

1.9

It-titolizzazzjoni sostenibbli ta’ kwalità għolja teħtieġ li jiġu promossi strutturi bażiċi bi ktajjen qosra ta’ intermedjazzjoni.

1.10

Il-KESE jqis li l-Green Paper tipprovdi reviżjoni komprensiva tas-sitwazzjoni attwali fis-swieq kapitali fl-Ewropa, kif ukoll il-miżuri meħtieġa biex tinkiseb Unjoni tas-Swieq Kapitali.

2.   Il-kontenut tal-Green Paper

2.1

Meta mqabbel ma’ ġurisdizzjonijiet oħrajn, il-finanzjament ibbażat fuq is-suq kapitali fl-Ewropa huwa relattivament sottożviluppat. Is-swieq Ewropej ta’ ekwità, dejn u swieq oħrajn jaqdu rwol iżgħar fir-rigward tal-finanzjament tat-tkabbir u n-negozji Ewropej għadhom jiddependu ħafna mill-banek, tant li l-ekonomiji tagħna jsiru vulnerabbli għal restrizzjonijiet ta’ self mill-banek.

2.2

Hemm ukoll nuqqas ta’ fiduċja min-naħa tal-investituri, u huwa possibbli li mhux dejjem qed isir l-aktar użu produttiv mit-tfaddil Ewropew.

2.3

Il-bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali huwa inizjattiva ewlenija fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni.

2.4

Unjoni tas-Swieq Kapitali ser tiżgura diversifikazzjoni akbar fil-finanzjament tal-ekonomija u ser tnaqqas l-ispejjeż tal-ġbir tal-kapital, b’mod partikolari għall-SMEs.

2.5

Swieq kapitali aktar integrati, speċjalment għall-ekwità, isaħħu l-kapaċità tal-ekonomija Ewropea li tassorbi x-xokkijiet u jippermettu għal aktar investiment mingħajr ma jgħollu l-livelli tad-dejn.

2.6

Permezz ta’ infrastruttura effiċjenti tas-swieq u intermedjarji effiċjenti, Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha ttejjeb il-fluss tal-kapital – mill-investituri għal proġetti Ewropej ta’ investiment, ittejjeb l-allokazzjoni ta’ riskju u kapital madwar l-UE u, fl-aħħar mill-aħħar, twassal biex l-Ewropa ssir aktar reżiljenti għal xokkijiet futuri.

2.7

Il-prinċipji ewlenin li jirfdu Unjoni tas-Swieq Kapitali huma: din għandha timmassimizza l-benefiċċji tas-swieq kapitali għall-ekonomija, l-impjiegi u t-tkabbir; għandha toħloq suq uniku kapitali għal kull wieħed mit-28 Stat Membru; għandha tkun mibnija fuq sisien sodi ta’ stabbiltà finanzjarja; għandha tiżgura livell effettiv ta’ protezzjoni għall-konsumatur u l-investitur; u għandha tgħin biex tattira l-investiment minn madwar id-dinja kollha u tiżdied il-kompetittività tal-UE.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat jappoġġja għalkollox l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Jekk l-Istati Membri kollha tal-Ewropa jridu jirnexxu f’ekonomija vibranti u bbażata fuq l-għarfien, Unjoni tas-Swieq Kapitali hija riforma strutturali meħtieġa. Għandu jiġi lliberat l-imblukkar għall-iżvilupp fil-livell tal-UE ta’ firxa ta’ prodotti finanzjarji innovattivi, peress li dan qed iżomm lura finanzjament kompetittiv għall-investiment, b’mod partikolari għall-kumpaniji ż-żgħar u ta’ daqs medju, impriżi li għadhom jibdew u għal prodotti ta’ infrastruttura fuq perjodu twil ta’ żmien.

3.2

L-għan tal-inizjattiva tal-Kummissjoni għandu jkun li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal settur effiċjenti u modern tas-servizzi finanzjarji b’regolamenti adatti iżda mhux eċċessivi, li jippermetti firxa ħafna aktar wiesgħa ta’ sorsi għall-finanzjament tal-investiment u b’hekk jiġi indirizzat il-livell inkwetanti baxx ta’ investiment.

3.3

Il-KESE jara s-swieq kapitali bħala aggregazzjonijiet ta’ likwidità, fejn il-kumpaniji jistgħu jiġbru fondi u jinnegozjaw strumenti finanzjarji. B’dan bħala punt ta’ tluq, il-KESE jemmen li Unjoni tas-Swieq Kapitali diġà nkisbet għal kumpaniji kbar u, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni fil-Green Paper, ser jiffoka l-aktar fuq miżuri li ser jippermettu li l-SMEs u l-kumpaniji b’rata għolja ta’ tkabbir jibbenefikaw ukoll minn din l-Unjoni.

3.4

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha ttejjeb il-finanzjament tal-ekonomija fuq perjodu twil ta’ żmien billi tisfrutta l-potenzjal għall-promozzjoni tal-aħjar prattiki ta’ governanza korporattiva u responsabilità soċjali korporattiva, billi tiffoka mhux biss fuq objettivi ekonomiċi iżda wkoll dawk ambjentali u soċjali.

3.5

Il-Green Paper tqis lill-SMEs bħala emittent fil-mira. Għaldaqstant, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs għandhom jitqiesu b’mod espliċitu fi kwalunkwe deċiżjoni futura, sa fejn huma kkonċernati bonds u strumenti finanzjarji oħra ta’ introjtu fiss, kif ġej:

għażla adatta ta’ maturitajiet ta’ finanzjament;

struttura ta’ finanzjament u ħlas lura;

l-ispiża tal-finanzjament, inkluża dik relatata mad-dħul fis-suq rispettiv;

il-kontenut u l-istruttura tal-garanziji u l-kollateral għall-preparazzjoni tal-prodott rispettiv ta’ investiment.

Sabiex jiġu indirizzati b’mod adegwat dawn il-ħtiġijiet kollha, huwa vitali li jitfasslu prodotti u proċeduri semplifikati u standardizzati għall-parteċipazzjoni tal-SMEs fis-swieq kapitali.

3.6

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, l-awtoritajiet superviżorji Ewropej u l-Istati Membri biex jaġixxu b’kawtela meta jipproduċu u jittrasponu leġislazzjoni futura mmirata lejn il-kisba ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali li tiffunzjona biex jiżguraw li s-suq kapitali Ewropew jipprovdi lill-investituri u lill-emittenti b’kundizzjonijiet li jkunu mill-anqas komparabbli ma’ dawk fi swieq internazzjonal, jekk mhux aħjar minnhom.

3.7

Unjoni tas-swieq kapitali effettiva mhjiex possibbli mingħajr ma jiġu involuti u attirati ċ-ċittadini tal-UE bħala investituri individwali. Il-KESE jaqbel mal-fatt li fil-Green Paper jiġi rikonoxxut li proporzjon baxx ħafna tat-tfaddil domestiku jsib triqtu lejn investimenti aktar produttivi minn bonds tal-gvern jew depożiti bankarji, speċjalment f’dan iż-żmien ta’ ripressjoni finanzjarja għal dawk li jfaddlu.

3.8

L-importanza tal-attività bankarja tradizzjonali għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja għandha tiġi enfasizzata.

3.9

Suq ta’ titolizzazzjoni sostenibbli ta’ kwalità għolja – bħal dak li qed tirreferi għalih il-Green Paper – jeħtieġ il-promozzjoni ta’ strutturi bażiċi bi ktajjen qosra ta’ intermedjazzjoni biex joħolqu konnessjoni diretta bejn il-mutwatarji u l-faddala.

4.   Tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Green Paper

4.1    Prijoritajiet għal azzjoni bikrija

1)   Lil hinn mill-ħames oqsma ta’ prijorità li ġew identifikati għal azzjoni fuq terminu qasir, liema oqsma oħra għandhom jingħataw prijorità?

Parti kbira mill-miżuri proposti jiffukaw fuq swieq primarji. Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs, huwa meħtieġ ukoll li jiġu eżaminati l-possibilitajiet għall-iżvilupp ta’ suq sekondarju.

B’mod partikolari, huwa essenzjali li jitfassal standard semplifikat waħdieni għar-rekwiżiti kwalitattivi u kwantitattivi għall-elenkar tal-SMEs fi swieq regolati għall-istrumenti finanzjarji. Għandu jiġi żviluppat ukoll mekkaniżmu biex l-SMEs innegozjati jsiru iktar attraenti għall-investituri, filwaqt li jiġi kkunsidrat li r-riżorsi finanzjarji u amministrattivi tal-SMEs huma limitati.

Filwaqt li jinżammu l-prinċipji ewlenin biex jitqiesu l-interessi tal-investituri, huwa rrakkomandat li jingħata bidu bi kwistjonijiet speċifiċi fid-Direttiva sabiex, kull fejn possibbli, jittaffew ir-rekwiżiti amministrattivi u burokratiċi, u jiġu eżaminati l-possibiltajiet li jiġu liberalizzati ċerti rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għall-SMEs:

It-tqassir tal-iskadenzi f’dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjoni tal-prospett għall-emittenti li diġà għandhom titoli ammessi għall-kummerċ fuq suq regolat u li jkunu għamlu offerta pubblika ta’ titoli, u huma rispettivament kumpaniji pubbliċi jew irreġistrati bħala emittenti. L-iskadenzi jistgħu għaldaqstant jitnaqqsu għal sebat ijiem. Għandha tiġi pprovduta proċedura speċjali għall-elenkar tal-SMEs b’mod semplifikat, speċjalment jekk dawn għandhom jiġu nnegozjati fuq is-suq mhux uffiċjali tal-boroż. Id-Direttiva għandha tippermetti aktar diskrezzjoni nazzjonali għar-regolaturi nazzjonali biex jirregolaw l-elenkar tal-SMEs;

B’konformità mal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2003/71/KE, in-notifika ta’ offerta lill-pubbliku u l-bidu u t-tmiem tas-sottoskrizzjoni għandhom jiġu ppubblikati f’gazzetta ta’ kuljum waħda. Ir-rekwiżiti għall-pubblikazzjoni ta’ avviżi/notifiki u l-prospett innifsu fuq karta u fil-gazzetti ta’ kuljum għandhom ikunu dejjem aktar limitati. L-iżvelar ta’ informazzjoni fuq l-Internet, speċjalment permezz tas-siti elettroniċi tas-suq regolat rispettiv jew tal-kumpanija, għandu jkun il-mezz ewlieni ta’ komunikazzjoni bejn l-emittent u l-investituri. Min-naħa l-oħra, jista’ jkun hemm ċerta uniformità ta’ rekwiżiti għall-iżvelar ta’ informazzjoni permezz ta’ siti elettroniċi – permezz ta’ unifikazzjoni jew paġna speċjali għall-investituri; dawn tal-aħħar jistgħu b’hekk jiksbu informazzjoni b’mod aktar faċli u rapidu dwar l-elementi essenzjali tat-titoli offerti pubblikament.

2)   Liema passi ulterjuri madwar id-disponibbiltà u l-istandardizzazzjoni tal-informazzjoni tal-kreditu tal-SMEs jistgħu’ jkunu ta’ appoġġ għal suq aktar profond fil-finanzjament tal-SMEs u tal-bidu ta’ negozju u għal bażi usa’ ta’ investituri?

Fost il-miżuri siewja f’dan il-kuntest insibu:

l-introduzzjoni ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu skont metodoloġija trasparenti standardizzata;

l-aċċettazzjoni ta’ kriterji standardizzati semplifikati (mudell) għar-reġistrazzjoni fi swieq regolati, li jinkludu, minbarra informazzjoni finanzjarja, pjan dettaljat ta’ negozju ta’ nofs it-term għall-investimenti u l-iżvilupp tan-negozju.

3)   X’tip ta’ appoġġ jista’ jingħata lill-ELTIFs biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fihom?

L-aktar miżura urġenti hija li jiġu riveduti r-rekwiżiti regolatorji għal fondi tal-pensjoni u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni fl-Istati Membri differenti, bil-għan li jiġu liberalizzati l-portafolli tagħhom fejn meħtieġ fir-rigward tal-possibilità li jinvestu fl-ELTIFs. Il-fondi tal-pensjonijiet u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni ser ikunu interessati f’din il-forma ta’ assi u għandhom ukoll il-fondi biex jikkapitalizzaw l-ELTIFs. Biex jissaħħaħ dan il-proċess, ikun utli li jiġi żviluppat mudell unifikat għall-evalwazzjoni tal-profittabbiltà li jkopri l-katina tal-investiment kollha.

4)   Hemm xi azzjoni meħtieġa mill-UE biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ swieq ta’ pjazzament privat għajr l-appoġġ tal-isforzi mmexxija mis-suq biex jkunu maqbula standards komuni?

Le. Tista’ tinħtieġ azzjoni mill-UE jekk dawn l-isforzi mmexxija mis-suq ma jirnexxux.

4.2.

Miżuri biex jiżviluppaw u jintegraw is-swieq kapitali

5)   X’miżuri oħra jistgħu jgħinu biex jiżdied l-aċċess għall-finanzjament u d-direzzjonar ta’ fondi lil dawk li għandhom bżonnhom?

B’mod ġenerali, l-aċċess għall-finanzi għandu jitjieb jekk jinħolqu aktar prodotti ta’ investiment “imfassla apposta” peress li dawn għandhom jissodisfaw aħjar il-bżonnijiet tal-kumpaniji (pereżempju fir-rigward tal-maturità, il-kollateral u l-istruttura tal-pagamenti).

Barra minn hekk, il-korpi regolatorji għandhom jippermettu l-possibbiltà ta’ ħruġ ta’ strumenti ta’ debitu, li bħala tip ta’ kuntratt mad-detenturi tal-bonds għandu jkun kemm jista’ jkun simili għall-finanzjament tal-proġetti u s-self korporattiv mill-banek.

6)   Għandhom jittieħdu miżuri li jippromwovu aktar likwidità fis-swieq tal-bonds korporattivi, bħall-istandardizzazzjoni? Jekk iva, liema miżuri huma meħtieġa u jistgħu dawn jiġu miksuba mis-suq, jew hija meħtieġa azzjoni regolatorja?

Iva, l-istandardizzazzjoni ser ittejjeb il-likwidità fis-swieq tal-bonds korporattivi. F’dan il-każ, jagħmel sens li jittieħdu miżuri regolatorji diskussi u miftiehma mal-partijiet interessati kollha.

7)   Hija meħtieġa xi azzjoni mill-UE biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ Investiment ASG (Ambjentali, Soċjali u tal-Governanza) standardizzat, trasparenti u responsabbli, inkluż bonds ekoloġiċi, minbarra l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ linji gwida mis-suq?

Iva, il-kriterji tal-istandardizzazzjoni għandhom jinkludu prinċipji speċifiċi rigward investiment ambjentali, soċjali u ta’ governanza. Il-KESE jappoġġja l-promozzjoni ta’ “bonds ekoloġiċi” kif ukoll “ipoteki ekoloġiċi”, self għal proġetti ta’ effiċjenza enerġetika u enerġija rinnovabbli, fost oħrajn. Dawn kollha għandhom jiġu inklużi fl-għażliet tal-investitur. Il-KESE jemmen li jeħtieġ li nxerrdu l-informazzjoni u nniedu l-kampanji biex nippromovu ħafna l-investimenti ASG u jiġu pubbliċizzati l-aħjar prattiki f’dan ir-rigward, inkluż f’kooperazzjoni mill-qrib man-netwerks tal-assoċjazzjonijiet tan-negozju u l-investituri u permezz tagħhom.

8)   Hemm valur fl-iżvilupp ta’ standard tal-kontabilità komuni fil-livell tal-UE għall-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju elenkati fuq MTFs (multilateral trading facilities)? Tali standard għandu jkun karatteristika tas-Swieq għat-tkabbir tal-SMEs? Jekk iva, f’liema kundizzjonijiet?

Id-definizzjoni Ewropea attwali tal-SMEs tinkludi kumpaniji ta’ daqsijiet differenti ħafna u ma tippermettix li ssir differenza abbażi tal-industrija. Il-KESE jappoġġja definizzjoni Ewropea standard ta’ mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u jitlob biex jiġu aġġornati l-varji definizzjonijiet mogħtija f’punti differenti tal-leġislazzjoni tal-UE, sabiex jirriflettu aħjar il-varjetà tal-SMEs u d-differenzi bejn l-Istati Membri u jiġu amalgamati (1). Huwa jissuġġerixxi li tingħata definizzjoni ta’ kumpanija emerġenti b’rata ta’ tkabbir u dik ta’ b’rata għolja ta’ tkabbir u li tingħata attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet ta’ dawn il-kumpaniji fis-suq kapitali; Mingħajr dan, l-MTFs se jinkludu biss numru limitat ta’ pajjiżi, u s-swieq tat-tkabbir mhux ser ikunu kapaċi jattiraw ħafna investituri transkonfinali. Il-kontenut ta’ tali standard għandu jkun konformi mal-kapaċità limitata finanzjarja u amministrattiva tal-SMEs.

9)   Hemm ostakoli għall-iżvilupp ta’ finanzjament kollettiv rregolat b’mod xieraq jew pjattaformi bejn il-pari, inkluż fuq bażi transfruntiera? Jekk iva, kif għandhom jiġu indirizzati?

Id-differenzi bejn il-leġislazzjonijiet nazzjonali huma raġuni prinċipali għall-iżvilupp dgħajjef ta’ forom prospettivi ta’ investiment bħall-crowdfunding. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Kummissjoni tippromovi l-armonizzazzjoni leġislattiva.

4.3    L-iżvilupp u ddiversifikazzjoni tal-provvista tal-finanzjament

10)   Liema miżuri ta’ politika jistgħu jinċentivaw lill-investituri istituzzjonali biex jiġbru u jinvestu ammonti akbar u f’firxa usa’ ta’ assi, b’mod partikolari proġetti fit-tul, SMEs u bidu ta’ negozji b’rata għolja ta’ tkabbir?

Qabel kull ħaġa oħra, huma meħtieġa bidliet fir-regolamenti għall-portafolli tal-investituri istituzzjonali, minħabba li f’bosta Stati Membri, mhumiex awtorizzati investimenti bħal dawn.

11)   Liema passi jistgħu jittieħdu biex jitnaqqsu l-kostijiet għall-maniġers tal-fondi għat-twaqqif u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi madwar l-UE? Liema ostakli jeżistu għall-fondi li jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala?

L-ispejjeż mhumiex eċċessivament għolja lanqas issa, u jiddependu fuq kollox mill-mezzi tal-kummerċjalizzazzjoni. Dawk il-fondi li huma kkummerċjalizzati permezz ta’ fergħat ta’ banek jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra normalment ma jkollhomx spejjeż sostanzjali u ma jiffaċċjawx ostakli biex jibbenefikaw mill-ekonomiji ta’ skala. Fondi li jiġu kummerċjalizzati b’mod separat ikollhom spejjeż ogħla.

Il-prospetti tal-ġbir tal-fondi għandhom jiġu ssemplifikati u unifikati, kif ukoll id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni kollha għad-dħul fis-suq regolat rispettiv.

Jinħtieġ mudell Ewropew waħdieni ta’ segmentazzjoni tal-borża, li jiddistingwi bejn SMEs ibbażati fuq it-tip tagħhom bħala emittenti. L-istess riżultat jista’ jinkiseb bil-ħolqien ta’ segmenti speċjalizzati fis-swieq nazzjonali regolati rispettivi.

12)   Għandu x-xogħol fuq trattament apposta fuq investimenti fl-infrastruttura jimmira lejn ċerti subklassijiet ta’ assi identifikabbli b’mod ċar? Jekk iva, liema minn dawn għandhom ikunu prijoritizzati mill-Kummissjoni f’rieżamijiet futuri tar-regoli prudenzjali bħal CRDIV/CRR u Solvibbiltà II?

Għall-finanzjament ta’ proġetti tal-infrastruttura, il-KESE jissuġġerixxi:

l-istabbiliment ta’ proċess ta’ reviżjoni pubblika aktar komprensiva għall-infrastruttura biex jiġi żgurat li l-ippjanar ikun koordinat b’mod aktar strateġiku;

li jiżdied il-fokus tal-finanzjament tal-gvern u dak fil-livell Ewropew għal-proġetti li mhumiex finanzjarjament vijabbli iżda huma proġetti soċjalment importanti (potenzjalment permezz ta’ garanziji (parzjali) sabiex jagħmluhom vijabbli);

il-produzzjoni ta’ gwida faċli għall-finanzjament tal-infrastruttura permezz ta’ banek u swieq kapitali;

li jiġi emendat it-trattament tal-kontabbiltà u dak regolatorju tal-proġetti tal-infrastruttura biex isiru aktar attraenti għall-investituri;

li jiġu definiti ċerti subkategoriji ta’ proġetti tal-infrastruttura li huma identifikabbli b’mod ċar, u jiġi personalizzat it-trattament tal-investimenti tal-infrastruttura għalihom. Dan jinvolvi evalwazzjoni tar-riskju li hija differenti għal kull subkategorija u ser itejjeb il-prevedibbiltà, b’tali mod li jagħmel l-investimenti aktar attraenti għall-investituri istituzzjonali;

li jiżdied l-użu ta’ strutturi li jippermettu li l-investituri fil-livell tal-konsum jipparteċipaw aħjar f’finanzjament illikwidu;

peress li l-imposti ta’ kapital attwali ta’ Solvibbiltà II jonqsu milli jiddistingwu bejn dejn korporattiv fit-tul u dejn tal-infrastruttura, jagħmel sens li din il-kwistjoni tiġi modifikata;

it-titjib fit-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika tas-sħubijiet pubbliċi privati billi jkun rekwiżit l-aċċess pubbliku għall-kuntratti sħaħ u rappurtar pubbliku regolari dwar il-valur li jipprovdu għall-flus li jintefqu.

13)   L-introduzzjoni ta’ prodott standardizzat, jew it-tneħħija tal-ostakli eżistenti għall-aċċess transfruntier, issaħħaħ is-suq uniku fil-provvediment tal-pensjonijiet?

Iva. Meta jitqies il-fatt li l-proviżjonament u l-filosofija tal-pensjonijiet ivarjaw ħafna minn Stat membru għal ieħor u l-għan iddikjarat mill-Kummissjoni fil-Green Paper sabiex tinkiseb skema pan-Ewropea ta’ rtirar.

14)   Bidliet fir-Regolamenti EuVECA u EuSEF jagħmluha eħfef għal maniġers ta’ fondi akbar tal-UE biex imexxu dawn it-tipi ta’ fondi? X’bidliet oħra, jekk hemm, għandhom isiru sabiex jiżdied l-għadd ta’ dawn it-tipi ta’ fond?

Huwa possibbli li tali bidliet jistgħu jagħmlu lill-maniġers ta’ fondi kbar aktar interessati li jmexxu dawn il-fondi. Madankollu, dan jista’ jwassal ukoll għal konċentrazzjoni eċċessiva u kunflitti ta’ interess. Għalhekk, qabel ma tittieħed tali miżura huwa rakkomandabbli li ssir riċerka bir-reqqa dwar jekk dan huwiex l-ostaklu ewlieni li qed jimpedixxi li maniġers ta’ fondi kbar milli jmexxu fondi bħal dawn.

15)   Kif tistal-UE tkompli tiżviluppa l-ekwità privata u l-kapital ta’ riskju bħala sors alternattiv ta’ finanzjament għall-ekonomija? B’mod partikolari, x’miżuri jistgħu jagħtu spinta lill-iskala ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju u jtejbu l-opportunitajiet ta’ ħruġ għal investituri ta’ kapital ta’ riskju?

L-iskala ta’ ekwità privata u fondi ta’ kapital ta’ riskju tista’ tiżdied permezz ta’ rilassament adegwat tar-restrizzjonijiet fuq il-portafolli tal-investituri istituzzjonali bħall-fondi tal-pensjonijiet, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS).

16)   Hemm impedimenti għal żieda fis-self dirett sikur kemm mill-banek u wkoll mhux mill-banek lil kumpaniji li jeħtieġu finanzjament?

Wara l-kriżi finanzjarja, is-self bankarju ġarrab aktar xkiel bħala riżultat ta’ rekwiżiti aktar stretti tal-adegwatezza tal-kapital u l-ħtieġa biex jonqos l-esponiment għar-riskju. Self dirett mhux mill-bank mhuwiex permess mil-leġislazzjoni f’ħafna Stati Membri; f’ħafna każijiet, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, il-fondi tal-pensjonijiet u istituzzjonijiet finanzjarji oħra ma jistgħux isellfu direttament lil kumpaniji mhux finanzjarji.

17)   Kif tista’ tiżdied il-parteċipazzjoni transfruntiera bl-imnut fl-UCITS?

L-investimenti transkonfinali jeħtieġu kultura ta’ investiment żviluppata sew, għarfien rilevanti u profiċjenza fil-lingwi barranin. Għalhekk, żieda fil-parteċipazzjoni transkonfinali bl-imnut tista’ tinkiseb biss billi jiġi promoss l-użu ta’ servizzi ta’ ppjanar personali finanzjarja (konsulenti), li jistgħu jgħinu lill-investituri fil-livell tal-konsum biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati f’kuntest internazzjonali.

18)   Kif jistgħu l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) jikkontribwixxu aktar biex jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur?

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-korpi nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur normalment ikollhom kapaċità relattivament limitata fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. F’xi każijiet, lanqas ma huwa ċar jekk għandhomx drittijiet legali f’dan il-qasam u x’inhuma dawn id-drittijiet. Għalhekk jista’ jkun utli għall-awtoritajiet superviżorji Ewropej li jħeġġu t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-korpi nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur u tal-aġenziji tar-regolazzjoni finanzjarja f’dan ir-rigward.

19)   Liema miżuri ta’ politika jistgħu jżidu l-investiment bl-imnut? X’jista’ jsir aktar biex tingħata s-setgħa liċ-ċittadini tal-UE u biex dawn ikunu protetti meta jidħlu fis-swieq kapitali?

L-Istati Membri għandhom jitħeġġu jistabbilixxu kundizzjonijiet favorevoli għal sensara finanzjarja u kumpaniji tal-investiment biex jistabbilixxu fondi għal attivitajiet ġodda li jippermettu inċentivi fiskali (bħat-tħassir tal-investiment kontra t-taxxa fuq l-introjtu għat-tfaddil domestiku). Flimkien mat-titjib tal-protezzjoni istituzzjonali tal-konsumatur (kif suġġerit fir-risposta għad-domanda ta’ qabel), żieda fl-investiment bl-imnut tista’ wkoll tiġi stimulata billi jiġu introdotti forom differenti ta’ edukazzjoni finanzjarja mmirati lejn investituri mhux professjonali u dawk li jfaddlu, u servizzi ta’ konsulenza regolati tajjeb ħafna fil-qasam tal-ippjanar finanzjarju għal-individwi.

20)   Hemm l-aħjar prattiki nazzjonali fl-iżvilupp ta’ prodotti ta’ investiment sempliċi u trasparenti għall-konsumaturi li jistgħu jiġu kondiviżi?

L-aħjar prattiki għadhom mhux stabbiliti sew, għadhom qed jissawru. Fost il-ftit eżempji, hemm il-proċess tal-akkreditazzjoni tal-prodotti ta’ investiment minn assoċjazzjonijiet professjonali fir-Renju Unit (2). B mod ġenerali, l-iżvilupp ta’ dawn il-prodotti mhuwiex kompitu faċli peress li l-prodotti ta’ investiment jistgħu jkunu kumplessi min-natura tagħhom stess, u anki minħabba li l-emittenti jistgħu jippruvaw jissodisfaw varjetà ta’ ħtiġijiet u jiddivrenzjaw il-prodotti tagħhom minn prodotti oħra simili. Problema oħra tista’ tkun il-kunsiderazzjoni li jekk il-gvern jipprova jisforza l-iżvilupp ta’ prodotti bħal dawn, dan jista’ jiġi kkunsidrat bħala intervent fis-suq li jillimita l-kompetizzjoni. Din hija r-raġuni għaliex, minflok isiru sforzi f’dan ir-rigward, ikun aktar produttiv jekk jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-edukazzjoni finanzjarja u s-servizzi ta’ konsulenza finanzjarja għall-individwi.

21)   Hemm azzjonijiet addizzjonali fil-qasam tar-regolamentazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji li jistgħu jittieħdu biex ikun żgurat li l-UE tkun kompetittiva internazzjonalment u post attraenti fejn wieħed jinvesti?

Il-kompetittività għandha titqies f’perspettiva komparattiva. Għalhekk, is-swieq kapitali tal-UE għandhom jipprovdu lill-investituri b’kundizzjonijiet li jkunu mill-anqas komparabbli ma’ dawk fis-swieq internazzjonali, jekk mhux aħjar minnhom. Dan jeħtieġ miżuri li jtejbu l-protezzjoni tal-investituri u jadattaw l-istrutturi tat-taxxa (bi skrutinju aktar bir-reqqa tal-benefiċċji u l-ispejjeż tat-taxxa proposta fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji).

22)

Liema miżuri jistgħu jittieħdu biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE għall-investituri u s-swieq kapitali f’pajjiżi terzi?

L-aħjar mod huwa li tiġi stimulata l-kooperazzjoni mal-banek li jkollhom netwerk żviluppat tajjeb ta’ fergħat f’pajjiżi terzi.

4.4    Titjib tal-effettività tas-suq – intermedjarji, infrastruttura u qafas legali usa’

23)   Jeżistu mekkaniżmi biex itejbu l-funzjonament u l-effiċjenza tas-swieq mhux koperti f’dan id-dokument, b’mod partikolari fl-oqsma tal-funzjonament tas-suq tal-ekwità u tal-bonds u tal-likwidità?

Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu dan li ġej:

l-iżgurar ta’ livell minimu ta’ likwidità fit-tul tas-suq għal strumenti finanzjarji maħruġa mill-SMEs. Dan jista’ jinkiseb billi jiġu stimulati l-fornituri tal-likwidità jew il-ġeneraturi tas-suq li jikkwotaw l-istrumenti finanzjarji maħruġa mill-SMEs;

żieda fil-fiduċja tal-investituri fl-SMEs permezz tal-introduzzjoni tal-aħjar prattiki tal-governanza korporattiva, u billi jiġu involuti investituri finanzjarji ewlenin fil-ġestjoni tagħhom;

attrattività akbar tal-SMEs – pereżempju, permezz ta’ possibilitajiet għal garanziji korporattivi (jew garanziji minn istituzzjonijiet speċjalizzati) għal kwistjonijiet mill-SMEs, li jissodisfaw ċerti kriterji;

l-introduzzjoni ta’ stimuli għall-SMEs elenkati fis-swieq regolati;

l-introduzzjoni ta’ stimuli għall-investituri fi kwistjonijiet minn SMEs elenkati.

24)   Fil-fehma tiegħek, hemm oqsma fejn l-ġabra unika ta’ regoli għadha mhijiex żviluppata biżżejjed?

L-approċċ ta’ ġabra unika ta’ regoli, żviluppat għas-settur bankarju permezz ta’ CRD IV, DGS u BRRD, joħloq kundizzjonijiet ekwi u jmexxi ‘l quddiem is-suq uniku. Għaldaqstant, l-estensjoni ta’ dan l-approċċ għas-settur finanzjarju mhux bankarju tista’ tkun utli ħafna. Approċċ simili għal dak tal-BRRD għandu jiġi introdott ukoll għall-kontropartijiet ċentrali.

25)   Taħseb li s-setgħat tal-ASE biex jiżguraw superviżjoni konsistenti huma biżżejjed? X’miżuri addizzjonali relatati mas-superviżjoni fil-livell tal-UE jikkontribwixxu b’mod materjali għall-iżvilupp ta’ swieq kapitali fl-Unjoni?

Dwar il-kwistjoni tal-konverġenza superviżorja, il-KESE:

jaqbel dwar il-ħtieġa għal azzjoni korrettiva biex jittejjeb it-tħaddim tas-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF);

jitlob għall-promozzjoni ta’ miżuri biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni bejn is-SESF, l-arranġament il-ġdid fil-forma tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (MUR);

jitlob li l-funzjonijiet regolatorji tal-istituzzjonijiet tas-SESF ikunu razzjonalizzati bil-ħsieb li jiġi ssemplifikat il-qafas regolatorju kif ukoll li l-proċeduri jsiru aktar trasparenti u effettivi;

jitlob għal strateġija fuq perjodu medju ta’ żmien imfassla sabiex iġġib il-konsolidazzjoni organizzattiva u funzjonali min-naħa tas-superviżuri (billi tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta’ sede unika u l-adozzjoni ta’ mudell “twin peaks”);

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tevalwa l-fattibilità ta’ miżuri iktar strutturali fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-SESF u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-awtoritajiet.

26)   Fid-dawl tal-esperjenza tal-imgħoddi, hemm bidliet immirati għar-regoli tas-sjieda tat-titoli li jistgħu jikkontribwixxu għal swieq kapitali aktar integrati fl-UE?

Ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet depożitarji għandhom jitjiebu, kif ukoll is-sigurtà tal-ikklerjar u s-saldu transkonfinali.

27)   X’miżuri jistgħu jittieħdu biex itejbu l-fluss transfruntier tal-kollateral? Għandha ssir xi ħaġa sabiex jittejbu l-eżegwibilità legali ta’ kollateral u l-arranġamenti ta’ netting tal-għeluq (close-out netting arrangements) trasnfruntiera?

Ikun tajjeb ħafna li jittieħdu miżuri biex jinħoloq reġistru Ewropew unifikat ta’ kollateral transkonfinali, jew sabiex jiġu interkollegati d-dipartimenti rispettivi tar-reġistri nazzjonali. Mingħajr l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri, l-investiment transkonfinali ser jibqa’ limitat.

28)   X’inhuma l-ostakli ewlenin għas-swieq kapitali integrati li jirriżultaw mil-liġi tal-kumpaniji, inkluża l-governanza korporattiva? Hemm miżuri mmirati li jistgħu jikkontribwixxu biex jingħelbu dawn l-ostakoli?

Id-differenzi bejn il-liġi kummerċjali, il-prattiki tan-negozju u l-mudelli ta’ governanza korporattiva madwar l-Istati Membri huma l-iżjed ostakli serji għal Unjoni tas-Swieq Kapitali. Dan ser jieħu żmien twil bex jingħeleb u mhux ser ikun faċli, iżda huwa essenzjali li dan isir. Ser jiħtieġ studju bir-reqqa tal-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Membri.

29)   Liema aspetti speċifiċi tal-liġijiet dwar l-insolvenza jeħtieġ li jiġu armonizzati sabiex jappoġġjaw il-ħolqien ta’ suq kapitali pan-Ewropew?

Il-liġijiet dwar l-insolvenza huma vitali għas-swieq kapitali u, bħal fil-każ tal-liġi kummerċjali u l-governanza korporattiva, għandhom ikunu armonizzati wara riċerka dettaljata, għaliex inkella jkun hemm ir-riskju li l-investiment jimxi lejn pajjiżi fejn id-drittijiet tal-investituri huma protetti aħjar. B’mod partikolari, għandha tiġi kkunsidrata bir-reqqa l-għażla ta’ bidu mill-ġdid.

30)   Liema ostakli jeżistu madwar it-tassazzjoni li għandhom jiġu ttrattati bħala kwistjoni ta’ prijorità biex jikkontribwixxu għal swieq kapitali aktar integrati fl-UE u struttura ta’ finanzjament aktar robusta fil-livell tal-kumpaniji u b’liema strumenti?

L-istruttura tas-sistemi tat-tassazzjoni tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor, u hija sensittiva ħafna għal kwalunkwe tibdil. Fl-istadju attwali, ser tkun diffiċli ħafna li tinkiseb l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni u għandha titqies bħala wieħed mill-aħħar stadji tal-proċess.

31)   Kif tistal-UE tappoġġa l-iżvilupp mis-suq ta’ teknoloġiji u mudelli kummerċjali ġodda, għall-benefiċċju ta’ swieq kapitali integrati u effiċjenti?

L-UE għandha tikkonċentra fuq il-bini ta’ infrastruttura ta’ netwerk diġitali uniku, li għandha tipprovdi għal komunikazzjoni rapida, effiċjenti u sigura bejn is-swieq, il-kumpaniji u l-investituri (3), kif ukoll bħala opportunità għall-parteċipazzjoni remota u transkonfinali fil-laqgħat ġenerali tal-azzjonisti u għall-votazzjoni. L-isforzi għandhom jiffukaw ukoll fuq li jinstabu modi biex jitnaqqsu l-ispejjeż relattivament għolja tal-ikklerjar u s-saldu meta jkun hemm kummerċ bejn il-fruntieri.

32)   Jeżistu kwistjonijiet oħra, mhux identifikati f’din il-Green Paper, li fl-opinjoni tiegħek jeħtieġu azzjoni għall-kisba ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali? Jekk iva, x’inhuma u x’forma tista’ tieħu din l-azzjoni?

Il-Green Paper tipprovdi reviżjoni komprensiva tas-sitwazzjoni attwali fis-swieq kapitali fl-Ewropa, kif ukoll il-miżuri meħtieġa biex tinkiseb Unjoni tas-Swieq Kapitali. F’dan l-istadju ikun aħjar li ma jinfetħux aktar kwistjonijiet, iżda pjuttost li jiġi ppjanat aħjar iż-żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri li diġà ġew deċiżi, u li jintgħażlu xi riformi tattiċi importanti inizjali: dawn għandhom ikunu konkreti u jkollhom impatt dirett u li jista’ jitkejjel. Dan ser joħloq momentum li għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ riformi aktar diffiċli fil-ġejjieni.

Minkejja dan, il-KESE jinnota li l-Green Paper ma tindirizzax:

Il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-istrumenti finanzjarji;

Miżuri relatati mal-problema tal-proċikliċità tal-prodotti finanzjarji.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  F’termini ġenerali, id-definizzjoni komuni ta’ SMEs hija stipulata fir-Rakkomandazzjoni tal-UE 2003/361/KE, li hija pjuttost skaduta u la tirrifletti t-tkabbir tal-UE, u lanqas iċ-ċirkustanzi ekonomiċi ta’ wara l-kriżi. Għall-iskopijiet tal-Green Paper, id-definizzjoni tal-SMEs tingħata fid-Direttiva 2014/65/UE tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji. Hemm definizzjoni oħra tal-SMEs fid-Direttiva 2013/34/UE tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rapporti finanzjarji annwali, ir-rapporti finanzjarji konsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi.

(2)  L-Association of British Insurers, il-British Bankers Association u l-Building Societies Association, f’negozjati mal-British Standards Institute, iddeċidew li jiżviluppaw prodotti sempliċi ta’ finanzjament li jikkonformaw ma’ sett miftiehem ta’ prinċipji, li huma ppreżentati fis-Sergeant Report (Marzu 2013).

(3)  Bħala eżempju tal-aqwa prattika, ara l-post tas-suq elettroniku indipendenti għas-self korporattiv FINPOINT https://www.finpoint.co.uk/


17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/74


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Protokoll ta’ Pariġi – Pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020”

(COM(2015) 81 final)

(2015/C 383/11)

Relatur:

is-Sur Lutz RIBBE

Nhar il-25 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Protokoll ta’ Pariġi – Pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020

(COM(2015) 81 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Ġunju 2015. Ir-relatur kien is-Sur Ribbe.

Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tat-2 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’193 vot favur, 12-il vot kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jistenna li l-partijiet fin-negozjati tal-Konferenza tal-Partijiet 21 (COP 21) fl-aħħar jikkonkludu ftehim ambizzjuż, ġust u vinkolanti. Il-Kumitat jilqa’ bis-sħiħ il-pożizzjoni tan-negozjar tal-Kummissjoni tal-UE f’dan ir-rigward, ħlief għal xi eċċezzjonijiet marġinali. Madankollu, jikkritika l-fatt l-UE għadha ma fehmitx għalkollox ir-rwol ċentrali li s-soċjetà ċivili għandha taqdi f’dan il-proċess.

1.2.

Il-pajjiżi firmatarji kollha tal-Konvenzjoni Qafas dwar it-Tibdil fil-Klima għandhom mingħajr eċċezzjoni jkunu responsabbli biex jinkiseb l-għan ewlieni tal-“[i]stabilizzazzjoni ta’ konċentramenti ta’ greenhouse gases fl-atmosfera f’livell li ma jippermettix interferenza antropoġenika  (1) perikoluża mas-sistema tal-klima”. Huwa biss wara li jinkiseb dan l-għan li tista’ tiġi evitata ħsara ikbar għall-bniedem, l-ambjent u l-ġenerazzjonijiet futuri.

1.3.

Il-prinċipju tar-responsabbiltà komuni iżda divrenzjata huwa korrett. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għandhom jidħlu malajr fi proċess ta’ trasformazzjoni li jitbiegħed mill-enerġija tal-karburanti fossili u jwassal lejn effiċjenza ogħla fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija kif ukoll lejn l-enerġija rinnovabbli. Dawk il-pajjiżi li llum il-ġurnata ftit li xejn jikkontribwixxu għall-impatt fuq il-klima għandhom jiġu appoġġjati sabiex jimxu direttament lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Jeżistu wkoll opportunitajiet kbar għall-intrapriżi innovattivi Ewropej li għandhom isibu appoġġ politiku f’dan ir-rigward. F’dan ir-rigward għandha tingħata attenzjoni sabiex bidla bħal din ma tfaqqarx lin-nies li jinsabu taħt il-linja tal-faqar. Minflok, din għandha u trid tintuża b’mod effettiv biex jinħoloq impetu ekonomiku ġdid, b’mod partikolari fil-livell reġjonali, u biex jiġu żviluppati faċilitajiet deċentralizzati ġodda għall-produzzjoni ta’ enerġija ħielsa mill-karbonju, bil-parteċipazzjoni tal-persuni lokali.

1.4.

Il-COP 21 mhu ser titratta l-ebda kwistjoni ambjentali klassika. L-għan tagħha huwa pjuttost li tistabbilixxi l-bażi ta’ ekonomija globali ġdida b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

1.5.

Dan il-proċess jirrikjedi l-pijunieri. L-Ewropa assumiet dan ir-rwol b’suċċess għal bosta snin. Madankollu m’għadx nistgħu ngħidu li l-Ewropa waħidha fil-qasam tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Bosta blokki ekonomiċi oħrajn illum jinvestu ħafna fil-proċess ta’ trasformazzjoni u fit-teknoloġiji ekoloġiċi, mingħajr ma jassumu rwol aktar attiv fil-proċess tan-negozjati tal-COP. Indipendentement mir-riżultati tan-negozjati f’Pariġi: il-ġlieda għas-swieq futuri tat-teknoloġiji ekoloġiċi, li huma importanti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, realment ilha li bdiet u l-Ewropa għandha timplika ruħha, bir-riżultati tal-COP-21 jew mingħajrhom.

1.6.

Il-kundizzjonijiet ekonomiċi importanti, li jistgħu jwasslu għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jew għar-rilokazzjoni ta’ livelli baxxi tal-emissjonijiet tal-karbonju, mhumiex ser jiġu nnegozjati fil-qafas tal-COP. Għalhekk huwa neċessarju li, anke lil hinn mill-proċess tan-negozjati tal-UNFCCC, nikkunsidraw il-kwistjonijiet marbuta mat-tibdil fil-klima flimkien mal-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u politiċi tagħhom. L-UE għandha timpenja ruħha fil-livelli kollha sabiex, pereżempju, jiġu stabbiliti mekkaniżmi tas-suq li jiżguraw li l-emissjonijiet tal-prodotti jiġu kkunsidrati fi kwistjonijiet ta’ kummerċ globali.

1.7.

Il-KESE jinnota li l-klima tista’ tiġi salvata, mhux permezz tar-riżultati, li nittamaw li jkunu ambizzjużi tal-COP 21, iżda permezz tal-implimentazzjoni konsistenti tagħhom. Dawn ma jiġux implimentati mill-politiċi, iżda miċ-ċittadini. Huwa minnu li dawn għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet qafas adatti filwaqt li jikkunsidraw il-konsegwenzi ambjentali kif ukoll dawk ekonomiċi u soċjali, iżda hija s-soċjetà ċivili li timplimentahom. Jeħtieġ li d-deċiżjonijiet jiġu aċċettati b’mod wiesa’ mis-soċjetà u jiġu appoġġjati mill-intrapriżi, it-trejdjunjins u l-partijiet l-oħra kollha tas-soċjetà ċivili.

1.8.

Ir-rwoli multipli tas-soċjetà ċivili (ara l-punt 6) sfortunatament ser jiġu indirizzati biss b’mod marġinali matul il-COP u l-UE ma ħadet l-ebda inizjattiva partikolari biex tirrimedja s-sitwazzjoni. Il-Komunikazzjoni ma tagħti assolutament l-ebda indikazzjoni konkreta dwar ir-rwol li s-soċjetà ċivili għandha taqdi. Il-politika l-ġdida dwar il-klima ma tistax u m’għandhiex tkun imposta “minn fuq”, iżda għandha tkun ibbażata fuq kunsens wiesa’ ta’ maġġoranza taċ-ċittadini, permezz ta’ djalogu ċiviku attiv li jinkludi l-partijiet interessati kollha u għandha tiġi implimentata “minn isfel”. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tal-UE, il-Kunsill u l-PE, fl-aħħar jidħlu fi djalogu strutturat u intensiv sabiex ma jitilfux ir-rieda bażika tas-soċjetà li tiżviluppa strutturi ġodda. Il-politika konkreta li tal-UE f’dan il-qasam s’issa diżappuntanti ħafna. F’dan il-kuntest il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni toħloq il-kundizzjonijet strutturali kif ukoll tipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex is-soċjetà ċivili tkun tista’ tinvolvi ruħha ma’ dawk kollha interessati fuq il-bażi ta’ rikonoxximent ugwali u inklużjoni.

1.9.

Il-KESE jenfasizza li hemm opportunitajiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali marbuta mat-tekniki ta’ mitigazzjoni tas-CO2 eżistenti u li jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta’ impjiegi u l-iżvilupp tan-negozju madwar id-dinja.

2.   Kuntest

2.1.

Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (“United Nations Framework Convention on Climate Change”, UNFCCC fil-qosor) ġiet adottata 23 sena ilu, f’Mejju 1992 fi New York. L-għan tagħha, li huwa stabbilit fl-Artikolu 2, huwa li l-“[i]stabilizzazzjoni ta’ konċentramenti ta’ greenhouse gases fl-atmosfera f’livell li ma jippermettix interferenza antropoġenika  (2) perikoluża mas-sistema tal-klima” kif ukoll li jiġu mitigati l-konsegwenzi possibbli.

2.2.

Fl-istess sena, din il-Konvenzjoni ġiet iffirmata minn 154 pajjiż matul il-Konferenza ta’ Rio tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (UNCED). Fl-1994 daħlet fis-seħħ; u llum il-ġurnata l-Konvenzjoni tinkludi 196 parti firmatarja.

2.3.

Dawn jiltaqgħu kull sena fl-hekk imsejħa Summits Dinjija dwar il-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Konferenza tal-Partijiet (“Conference oParties”, fil-qosor: COP). S’issa ma ttieħdux biżżejjed miżuri biex jintlaħqu, jew kważi jintlaħqu, l-għanijiet tal-Konvenzjoni. Jeżistu biss għanijiet vinkolanti dwar il-livell massimu ta’ emissjonijiet għall-pajjiżi industrijalizzati, li ġew stabbiliti fil-Protokoll ta’ Kjoto li ġie adottat fil-COP 3 f’Kjoto; iżda l-Protokoll ta’ Kjoto, kif inhu magħruf sew, ma ġiex irratifikat mill-pajjiżi industrijalizzati kollha.

2.4.

Attwalment, jeżisti kunsens li wara 21 sena ta’ negozjati, li matulhom l-emissjonijiet totali żdiedu bi kważi 50 % (minn 30,8 biljun tunnellata ekwivalenti ta’ CO2 fl-1992 għal 43,4 biljun fl-2011) (3) u l-effetti negattivi tat-tibdil antropoġeniku fil-klima saru dejjem aktar evidenti, wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni.

2.5.

Kważi l-istudji xjentifiċi kollha juru li għadu possibbli li nillimitaw iż-żieda fit-temperatura b’mod korrispondenti. Dan jirrikjedi litibda malajr l-implimentazzjoni ta’ miżuri ambizzjużi rilevanti. L-istudji juru wkoll li għalkemm fit-teorija l-għanijiet jistgħu jinkisbu aktar tard, dan jinvolvi spejjeż sproporzjonatament ogħla u jkun ta’ ħsara kbira, li toloqt lil miljuni ta’ nies u l-ekonomija bl-istess mod.

2.6.

Il-Konvenzjoni Qafas dwar it-Tibdil fil-Klima ma tiddefinixxix b’mod ċar x’inhi l-“interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema tal-klima”. Matul il-COP 16 (fl-2010) il-pajjiżi firmatarji laħqu ftehim politiku biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura globali għal inqas minn 2 gradi Celsius (jew saħansitra 1,5 grad Celsius) meta mqabbla mal-livelli preindustrijali; madankollu, ma offrew l-ebda bażi xjentifika li turi li l-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ dan il-ftehim politiku.

2.7.

Il-KESE jfakkar lill-partijiet interessati kollha- il-politiċi kif ukoll is-soċjetà ċivili – li din l-interferenza u l-konsegwenzi serji li ġġib magħha joħorġu fid-dieher anke llum il-ġurnata, b’tisħin globali ta’ ħafna inqas minn 2 gradi. Dan il-limitu ta’ 2 gradi għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat bħala għan li għandna nilħqu iżda bħala limitu li għandna kemm jista’ jkun innaqqsu.

3.   Il-COP 21 f’Pariġi

3.1.

Il-COP 21 ser tiġi organizzata f’Diċembru 2015, f’Pariġi. Fl-aħħar għandha ssir realtà l-wegħda li tittieħed id-deċiżjoni neċessarja, ambizzjuża, ġusta u vinkolanti fil-forma ta’ ftehim globali għall-196 pajjiż firmatarju kollha kemm huma. Dan il-ftehim għandhu jidħol fis-seħħ fl-2020.

3.2.

Id-deċiżjonijiet li huma mistennija jinkludu:

(a)

il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; il-pajjiżi firmatarji impenjaw ruħhom biex sal-aħħar ta’ Marzu 2015 jinformaw lis-segretarjat tal-UNFCCC dwar il-miri nazzjonali tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet (Intended Nationally Determined Contributions (INDCs)) li għandhom ikunu ambizzjużi u jmorru lil hinn mill-isforzi li saru sal-lum il-ġurnata. Dawn l-INDCs kollha f’daqqa għandhom ikunu biżżejjed biex iżommu ż-żieda fit-temperatura globali għal inqas minn 2 gradi. Sal-1 ta’ Novembru 2015 għandu jiġi ppreżentat rapport ta’ sinteżi li jivvaluta jekk dan jistax jinkiseb;

(b)

miżuri għall-adattament għat-tibdil fil-klima;

(c)

regolamenti finanzjarji għall-ġlieda, l-adattament u l-kumpens għat-tibdil fil-klima (telf u ħsara); dan jinkludi l-kwistjoni ta’ a) kif ser jitħallsu l-USD 100 biljun fis-sena li ġew imwiegħda sal-2020 u b) liema kriterji u rekwiżiti ser jintużaw għall-allokazzjoni tagħhom;

(d)

kwistjonijiet ta’ trasferiment tat-teknoloġija (bil-kunsiderazzjoni tal-“proprjetà intellettwali”);

(e)

regoli dwar il-monitoraġġ tal-ftehim, inkluż il-kejl, ir-rappurtar, il-monitoraġġ u t-trasparenza, eċċ. (4) u ta’ importanza partikolari

(f)

il-qafas legali għall-ftehim, jiġifieri n-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet.

3.3.

Barra minn hekk għandu jintlaħaq ftehim dwar x’miżuri konkreti għandhom jintużaw għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-perjodu bejn Diċembru 2015, meta jittieħdu d-deċiżjonijiet, u l-2020, meta jidħlu fis-seħħ il-miżuri vinkolanti (“azzjoni ta’ qabel l-2020”).

3.4.

Il-gvernijiet ser jikkunsidraw ukoll għall-ewwel darba l-mod kif il-politiki dwar il-klima għandhom jiġu implimentati. Il-KESE jappoġġja r-referenzi attwali għall-ħtieġa li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta li tippriżerva u toħloq xogħol deċenti u impjiegi ta’ kwalità fil-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

3.5.

L-UE ġabret fil-qosor il-pożizzjonijiet u l-istennijiet tagħha fir-rigward tal-COP 21 fil-Komunikazzjoni “Il-Protokoll ta’ Pariġi – Pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020” (5). Tipproponi, fost affarijiet oħra, li l-ftehimiet isiru vinkolanti billi l-Konvenzjoni ta’ Pariġi tiġi adottata bħala Protokoll għall-Konvenzjoni Qafas dwar it-Tibdil fil-Klima. Il-Ftehim “għandu jidħol fis-seħħ malli jkunu rratifikawh pajjiżi b’total kollettiv ta’ 80 % tal-emissjonijiet globali attwali”.

3.6.

Il-pajjiżi firmatarji jaqblu dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ responsabbiltà komuni iżda divrenzjata, jiġifieri li l-pajjiżi firmatarji kollha għandhom ikunu responsabbli, irrispettivament minn kemm jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima. L-ambitu preċiż tar-responsabbiltà tagħhom għandu jiddependi minn għadd ta’ fatturi differenti bħal pereżempju l-livell attwali kif ukoll storiku tal-emissjonijiet, is-saħħa tal-ekonomija, is-sitwazzjoni soċjali, kemm jiġu affettwati, eċċ.

4.   L-istennijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea min-negozjati tal-COP 21

4.1.

Il-KESE jħeġġeġ lill-partijiet kollha fin-negozjati biex fl-aħħar jadottaw ftehim legalment vinkolanti f’Pariġi. Jappoġġja bis-sħiħ il-pożizzjoni ta’ negozjar tal-UE stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2015) 81 final.

4.2.

Fil-COP 21, jeħtieġ li jintlaħaq kunsens dwar politika ta’ prevenzjoni fejn “illum” jittieħdu deċiżjonijiet ambizzjużi u wesgħin għal “għada”. Dawn id-deċiżjonijiet ser jifformaw il-bażi għall-attivitajiet ekonomiċi u soċjali tal-ġenerazzjonijiet futuri; u ser jgħinu wkoll biex itaffu t-tbatija ta’ dawk li diġà qed jesperjenzaw l-impatt tat-tibdil fil-klima.

4.3.

Fil-COP 21 ma tiġi nnegozjata l-ebda kwistjoni ambjentali klassika, l-għan tagħha huwa pjuttost li tkun il-bażi ta’ ekonomija globali ġdida b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

4.4.

Il-KESE jilqa’ l-prinċipju ta’ responsabbiltajiet komuni iżda divrenzjati. Kull pajjiż kontraenti għandu jagħraf ir-responsabbiltà tiegħu u m’għandux jibqa’ jaħrab minnha jew “jinħeba” wara pajjiżi oħra jew – kif xi drabi ġara fil-passat – jassumi r-responsabbiltà biss jekk jitħallas biex jagħmel dan.

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

4.5.

Huwa jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li livell globalment suffiċjenti ta’ emissjonijiet jista’ jintlaħaq biss jekk kull bniedem fid-dinja jipproduċi medja ta’ mhux aktar minn 2 tunnellati ekwivalenti CO2 fis-sena.

4.5.1.

Fl-Ewropa (b’medja ta’ madwar 9 tunnellati ekwivalenti CO2 għal kull persuna fis-sena) dan jista’ jinkiseb billi tiġi implimentata l-mira tal-2050 (tnaqqis ta’ 80-95 % fl-emissjonijiet tas-CO2 fl-Ewropa). Iċ-Ċina (li attwalment għandha medja ta’ 6 tunnellati ekwivalenti CO2 għal kull persuna fis-sena) ikollha tnaqqas l-emissjonijiet attwali per capita tagħha b’żewġ terzi u, pereżempju, l-Istati Uniti (b’medja attwali ta’ 16,5 tunnellata ekwivalenti CO2 għal kull persuna fis-sena) u l-Qatar – il-mexxej globali attwali – (b’40 tunnellata ekwivalenti CO2 għal kull persuna fis-sena) ikollhom jagħmlu ħafna iktar tnaqqis.

4.5.2.

Min-naħa l-oħra, mhuwiex mistenni tnaqqis minn pajjiżi bħall-Mali (0,04 tunnellata ekwivalenti CO2 għal kull persuna fis-sena) jew ir-Rwanda (0,06 tunnellata ekwivalenti CO2 għal kull persuna fis-sena). F’dan ir-rigward, il-KESE ma jaqbilx għalkollox mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri li “jeħtieġ tnaqqis sostanzjali u kontinwu fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra min-naħa tal-pajjiżi kollha”. Madankollu, dawn il-pajjiżi għandhom jimxu direttament lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Ir-responsabbiltajiet tal-politika dwar il-klima f’termini tal-ġlieda u l-adattament għat-tibdil fil-klima għalhekk huma komuni iżda divrenzjati. Dawn il-pajjiżi jeħtieġu appoġġ urġenti ħafna li fl-istess ħin jipprovdi opportunitajiet ġodda ta’ kooperazzjoni għall-kumpaniji innovattivi. Dan jista’ jkun ta’ benefiċċju partikolarment għall-kumpaniji Ewropej li (għad) għandhom 40 % tal-privattivi kollha relatati ma’ teknoloġiji ekoloġiċi.

4.5.3.

Huwa importanti li wieħed jinnota li d-data msemmija dwar l-emissjonijiet ma tirriflettix id-differenzi ewlenin li jeżistu fi ħdan l-istrati soċjali tal-pajjiżi, u huwa minnu li l-emissjonijiet tas-CO2 ġġenerati mill-produzzjoni għandhom jiġu allokati lill-pajjiżi fejn jiġu ġġenerati u mhux lill-pajjiżi fejn jintużaw il-prodotti. Jekk iseħħ bil-kontra, allura pereżempju ċ-Ċina tkun f’pożizzjoni ferm aħjar f’termini ta’ bilanċ tal-gassijiet b’effett ta’ serra mentri l-Ġermanja tkun f’qagħda agħar (6).

4.6.

Il-KESE jqis li l-istabbiliment ta’ miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet (INDCs) huwa parti ċentrali tal-proċess tal-COP 21. Id-dewmien drammatiku fit-tressiq tal-INDCs lis-segretarjat tal-UNFCCC (7) huwa sinjal ħażin ħafna.

4.7.

Il-KESE jagħraf li għadu mhuwiex ċar jekk dawk li jipproponu ftehim strett tal-COP 21 hux ser ikunu kapaċi jibnu tip ta’ solidarjetà għall-ġenerazzjonijiet futuri (8) bejn 196 parti b’punti tat-tluq differenti ħafna u f’xi każijiet orjentazzjonijiet politiċi u sfondi kulturali ferm differenti.

4.8.

In-negozjati dwar il-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija għall-2030, li saru kważi COP fil-livell tal-UE, urew li, anke fil-livell tal-UE, bilkemm huwa possibbli li jiġi implimentat dak li huwa intiż mill-COP, jiġifieri l-ħolqien ta’ responsabbiltajiet nazzjonali ċari. Il-KESE għaldaqstant jiddispjaċih li fil-qafas tal-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u l-klima għall-2030 għad m’hemm l-ebda mira nazzjonali vinkolanti, li jagħmilha aktar diffiċli biex jinkisbu l-għanijiet komuni tal-Ewropa u biex jiġu “allokati” r-responsabbiltajiet (9). L-istabbiliment ta’ miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet (INDCs) għall-Istati Membri tal-UE jikkostitwixxi pass fid-direzzjoni t-tajba għan-negozjati tal-COP.

L-adattament għat-tibdil fil-klima, ir-regolamenti finanzjarji u t-trasferiment tat-teknoloġija

4.9.

Ir-responsabbiltà divrenzjata tfisser ukoll li hemm bżonn ta’ solidarjetà għal dan il-għan, peress li għandna ngħinu lill-pajjiżi inqas żviluppati u finanzjarjament dgħajfa, b’mod partikolari, biex jibnu ekonomija ekoloġika li tirrispetta l-klima u nippermettulhom jindirizzaw il-ħsara kkaġunata mit-tibdil fil-klima, li sikwit tolqothom b’mod aktar intensiv Għandha tingħata attenzjoni sabiex bidla bħal din ma tfaqqarx lin-nies li jinsabu taħt il-linja tal-faqar. Minflok, din għandha u trid tintuża b’mod effettiv biex jinħoloq impetu ekonomiku ġdid, b’mod partikolari fil-livell reġjonali, u biex jiġu żviluppati faċilitajiet deċentralizzati ġodda għall-produzzjoni ta’ enerġija ħielsa mill-karbonju, bil-parteċipazzjoni tal-persuni lokali.

4.10.

Għalhekk, il-kwistjonijiet finanzjarji u dawk dwar it-trasferiment tat-teknoloġija għandhom rwol importanti. Il-pajjiżi inqas żviluppati diġà ħarġu ddiżappuntanti ferm peress li l-għajnuna għall-iżvilupp imwiegħda (0,7 % tal-PDG) ilha biex tiġi provduta fl-ambitu mwiegħed; dan m’għandux jerġa’ jseħħ.

Il-valur legali vinkolanti u l-monitoraġġ tal-Ftehim

4.11.

Il-KESE jappoġġja d-dikjarazzjoni tal-UE li n-natura legalment vinkolanti tal-Ftehim hija l-bażi essenzjali għal kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet neċessarji.

4.12.

Il-benefiċċji ta’ ftehim legalment vinkolanti jinkludu fost l-oħrajn:

li jingħata sinjal politiku ċar mill-gvernijiet lin-negozjanti, l-investituri iżda wkoll lill-pubbliku li l-għan ta’ ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju huwa kondiviż mill-komunità dinjija kollha kemm hi;

li dan jipprovdi qafas fit-tul u prevedibbli, li jħeġġeġ l-investiment fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju u t-teknoloġiji ta’ adattament, b’mod li jkun effettiv ekonomikament;

it-trasparenza u r-responsabbiltà jiġu speċifikati b’mod ċar u

jkun disponibbli investiment għall-miżuri neċessarji, u b’hekk joħloq rabta diretta mal-ekonomija reali.

4.13.

Is-soċjetà ċivili tistenna li fil-ftehim dinji ġdid dwar il-klima jiġu kkunsidrati t-talbiet tagħha għal tranżizzjoni ġusta, b’kunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema, b’kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi soċjali, inkluż il-kumpens għat-telf u l-ħsara, u l-kwistjonijiet relatati mal-adattament għat-tibdil fil-klima, partikolarment fl-aktar pajjiżi foqra.

4.14.

L-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet għandha bilfors tkun trasparenti u verifikabbli, u l-pajjiżi li ma jżommux mad-deċiżjonijiet m’għandhomx ikomplu jibbenefikaw mill-benefiċċji li dan il-Ftehim ser jipprovdi.

4.15.

Il-KESE jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni, li toħloq dinamika permezz ta’ verifiki regolari“tista’ tippermetti impenji aktar b’saħħithom favur il-protezzjoni tal-klima filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi nazzjonali differenti u r-responsabbiltajiet li jinbidlu.

L-istennijiet tar-rwol tal-UE fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima

4.16.

Tul dawn l-aħħar snin, l-UE kisbet reputazzjoni tajba fil-livell globali fir-rigward tal-protezzjoni tal-klima. Il-KESE jqis li huwa importanti li, kemm fin-negozjati tal-COP iżda wkoll permezz ta’ politika attiva lil hinn minn dawn in-negozjati, tinbena l-fiduċja fl-iskop tat-twaqqif ta’ politika ambizzjuża tat-tibdil fil-klima u li mhuwiex li jinkiseb vantaġġ ekonomiku għad-detriment ta’ pajjiżi jew atturi ekonomiċi oħra.

4.17.

L-UE għandha tkompli tmexxi billi tagħti eżempju tajjeb u kredibbli fil-livell globali. Dawn il-proċessi ta’ negozjati u ta’ tibdil ma jimxux il-quddiem mingħajr il-“pijunieri” u l-“ixpruni” fil-politika u l-qasam ekonomiku. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-UE tista’ taqdi dan ir-rwol mexxej b’mod kredibbli biss jekk jiġi pruvat li l-politiki dwar it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp ekonomiku pożittiv jimxu id f’id.

4.18.

Ta’ min jinnota b’mod pożittiv li bosta miżuri li ġew introdotti għall-ewwel darba fl-UE u li kienu pjuttost kontroversjali, issa ġew adottati minn pajjiżi oħra. Fost l-eżempji nistgħu nsemmu s-sussidji għall-enerġiji rinnovabbli, kif ukoll l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, li issa qed tintuża miċ-Ċina wkoll.

4.19.

Il-KESE jirrikonoxxi li r-Rappreżentanta Għolja tal-UE, Frederica Mogherini, qed tiffoka ħafna fuq il-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima fil-politika esterna tagħha permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Diplomazija fil-qasam tal-Klima (10). L-istqarrija tal-President Juncker tal-Kummissjoni li jrid li l-UE tkun tal-ewwel fil-livell dinji fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli – mhux biss għal finijiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, iżda wkoll għaliex b’hekk jinħolqu l-impjiegi u tiġi promossa s-sigurtà tal-enerġija – hija wkoll sinjal importanti fid-direzzjoni t-tajba.

4.20.

L-UE għamlet ħafna kisbiet fil-livell globali, inkluż il-fatt li t-tkabbir ekonomiku jista’ jiġi diżakkoppjat minn żieda fl-emissjonijiet. Pereżempju, l-ebda ekonomija fid-dinja ma produċiet inqas emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għal kull unità ta’ GDP mill-UE, u ħafna intrapriżi Ewropej huma “minn ta’ quddiem” f’termini ta’ effiċjenza tal-enerġija u r-riżorsi. Dan huwa relatat mill-qrib mal-kisbiet tekniċi, u b’hekk mal-kapaċità tal-innovazzjoni, tal-intrapriżi Ewropej li żviluppaw minn leġislazzjoni ambjentali relattivament stretta tal-UE.

4.21.

Madankollu, l-Ewropa għad fadallha ħafna x’tagħmel: il-mira li l-emissjonijiet tas-CO2 jitnaqqsu bi 80-95 % sal-2050 mhux ser tintlaħaq bl-innovazzjoni teknika biss. Dan joħroġ fid-dieher, pereżempju, fis-settur tat-trasport fejn l-innovazzojni fil-qasam tat-teknoloġija tal-egżost sempliċement ġiet ikkumpensata, tal-inqas parzjalment, minn żieda fil-vetturi u t-toroq. Għalhekk ser jinħtieġu wkoll bidliet strutturali, jiġifieri jeħtieġ li jkun hemm konsistenza ħafna akbar bejn il-politiki dwar it-tibdil fil-klima u politiki oħra milli kien hemm fil-passat.

5.   L-evoluzzjoni tan-negozjati tal-COPs tul dawn l-aħħar snin u r-realtà attwali lil hinn min-negozjati

5.1.

Il-KESE ilu s-snin isegwi n-negozjati. Jagħraf li huwa estremament importanti li toħroġ konklużjoni pożittiva f’Pariġi, iżda fl-istess waqt jiġbed l-attenzjoni li l-klima ma tistax tiġi salvata permezz ta’ deċiżjonijiet biss, iżda bl-implimentazzjoni ta’ miżuri reali.

5.2.

Il-komunità internazzjonali f’Pariġi fil-fatt kienet issibha aktar faċli li tilħaq kunsens kieku, pereżempju, id-deċiżjonijiet komuni tal-Konferenza Rio+20 ġew implimentati jew kienu fil-proċess li jiġu implimentati, jiġifieri li “[jiġu eliminati] b’mod gradwali s-sussidji dannużi u ineffiċjenti għall-karburanti fossili li jħeġġu l-konsum ħali u jfixklu l-iżvilupp sostenibbli”  (11). Dak iż-żmien diġà kien rikonoxxut li għandhom jintużaw l-istrumenti bbażati fuq is-suq (pereżempju taxxi fuq il-karbonju, skemi għan-negozjar tal-emissjonijiet, eċċ.) u l-KESE jqis li dan huwa xieraq (12). Dokument ta’ ħidma ġdid tal-Fond Monetarju Internazzjonali (13) jqis li s-sussidji diretti u indiretti li jingħataw globalment għall-karburanti fossili jammontaw għal USD 5,3 triljun fis-sena li jfisser iktar minn USD 15-il biljun kuljum. Anki bl-ammont ta’ USD 100 biljun fis-sena, previst taħt il-Fond Ekoloġiku għall-Klima, l-effetti negattivi ta’ dawn is-sussidji ma jistgħux jiġu kumpensati.

5.3.

Madankollu hemm lakuni kbar bejn l-impenji politiċi u l-implimentazzjoni li jdgħajfu l-fiduċja tas-soċjetà ċivili fil-ftehimiet politiċi globali. F’Pariġi ma jistax ikompli jissaħħaħ dan id-diżappunt iżda għandhom iseħħu affarijiet li jwasslu għal bidla fundamentali.

5.4.

Għall-Ewropa, huwa importanti li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi li jseħħu barra “mid-dinja tan-negozjati tal-COP” fid-“dinja tal-iżvilupp ekonomiku reali”. Dawn huma ftit eżempji:

Fil-COP 20 f’Lima, iċ-Ċina u l-Kalifornja ffirmaw ftehim li jipprovdi għal kooperazzjoni mill-qrib bejn dawn il-blokok ekonomiċi b’saħħithom fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, l-elettromobbiltà u l-miżuri ta’ effiċjenza enerġetika. Ma jeżisti l-ebda ftehim simili ta’ kooperazzjoni strateġika mal-Ewropa.

Iċ-Ċina u l-Istati Uniti ilhom fil-quċċata tal-lista tal-pajjiżi bl-ogħla investimenti fl-enerġija rinnovabbli għal dawn l-aħħar snin. Fl-2013, l-investiment fl-enerġija rinnovabbli ammonta għal USD 54,2 biljun fiċ-Ċina, USD 33,9 biljun fl-Istati Uniti u USD 28,6 biljun fil-Ġappun. Ir-Renju Unit (USD 12,1 biljun) kien fir-4 pożizzjoni, segwit mill-Ġermanja (USD 9,9 biljun) fil-5 pożizzjoni. B’mod partikolari fil-Ġermanja u l-Italja, l-investiment f’dan il-qasam naqas drastikament (14).

Il-kompetittività globali, ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u/jew ir-rilokazzjoni ta’ livelli baxxi tal-emissjonijiet tal-karbonju

5.5.

Id-deċiżjonijiet li huma meħtieġa sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Konvenzjoni Qafas dwar it-Tibdil fil-Klima illum mhux ser jirriżultaw biss f’“sitwazzjonijiet fejn jirbaħ kulħadd”. Għalhekk, bir-raġun, ta’ min jenfasizza d-diffikultajiet li ser ikun hemm biex id-deċiżjonijiet tal-COP jiġu rikonċiljati, fejn possibbli, mal-interessi nazzjonali jew settorjali (ekonomiċi) fil-perjodu qasir.

5.6.

Dan mhux ser ikun dejjem possibbli, peress li naturalment ser ikun hemm setturi li ma jaqdux rwol, jew li jaqdu rwol żgħir ħafna, fl-ekonomija l-ġdida b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u għaldaqstant ser jitilfu mill-bidliet strutturali meħtieġa. Ħadd mhu ser jiggwadanja mill-ħabi ta’ dan il-fatt. Dawn is-setturi ekonomiċi u r-reġjuni kollha u l-persuni kkonċernati għandhom id-dritt li jkunu jafu kif il-politiċi beħsiebhom jindirizzaw dawn il-bidliet biex jiġi żgurat li jkunu ostaklu kemm jista’ jkun minimu u li jkunu soċjalment responsabbli. Dawn id-diffikultajiet madankollu m’għandhomx iservu bħala raġuni biex ma tittiħiedx azzjoni llum. Ikun irħas li nieħdu azzjoni illum biex nippromovu t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju milli nsewwu l-ħsara aktar tard (15).

5.7.

Il-kwistjoni tal-iżvilupp tas-swieq futuri, pereżempju fil-qasam tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli jew tal-effiċjenza tal-enerġija, hija ta’ importanza ewlenija għall-kompetittività futura tal-Ewropa. Naturalment, dawk il-vuċijiet li fl-Ewropa pereżempju qed iwissu kontra r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u li jħeġġu lill-Ewropa biex ma timxix waħedha l-quddiem malajr wisq għandhom jiġu kkunsidrati bis-serjetà.

5.8.

Iżda l-Ewropa m’għadhiex waħedha – għandha iktar kompetizzjoni globali. Għalhekk issa rridu nindirizzaw ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, jiġifieri r-riskju li l-Ewropa titlef il-pożizzjoni teknoloġika u gekonomika avvanzata li kellha qabel pereżempju fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli.

5.9.

U dan jista’ jsir malajr ħafna. Fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, għandu jiġi nnutat li l-Ewropa tilfet il-konnessjoni mat-teknoloġija tal-ħżin fil-batteriji; iċ-Ċina u l-Kalifornja ħadu l-pożizzjoni minn ta’ quddiem fil-qasam tal-elettromobbiltà, u l-irħas pannelli solari fid-dinja jiġu prodotti fiċ-Ċina; dan bilkemm jista’ jiġi attwribwit għad-dumping tas-salarji. Jinħtieġu b’mod urġenti investimenti pubbliċi u privati sostanzjalment ogħla fis-settur tar-riċerka u l-iżvilupp.

5.10.

In-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni globali attwali jikkostitwixxi sfida kbira għall-intrapriżi Ewropej li jikkompetu globalment. Is-setturi bħal dawk tal-azzar, il-karti u l-kimika, fejn teżisti interdipendenza globali speċjali, għadhom ekonomikament importanti. L-impatt fuq il-klima mill-industriji tal-manifattura fl-UE naqas, permezz tal-iżvilupp tat-teknoloġija, b’31 % bejn l-1990 u l-2012 (16).

5.11.

Madankollu mhuwiex probabbli li r-rwol ta’ dawn is-setturi tal-industriji jista’ jiġi kompletament sostitwit b’fergħat mill-industriji “ekoloġiċi” ġodda sal-2050. Ma jkunx ta’ ġid la għall-ekonomija Ewropea u lanqas għall-klima globali jekk dawn l-industriji jkunu sfurzati jirrilokaw f’pajjiżi barra mill-UE, mingħajr ma jkun hemm tnaqqis fl-emissjonijiet fil-livell dinji.

5.12.

Il-firxa ta’ din ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju sikwit tiġi diskussa. Dan jista’ jsir b’mod dirett, permezz taċ-ċaqliq ta’ fabbriki u l-produzzjoni lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE bħala tweġiba diretta għal miżuri politiċi ġodda. Iżda jsir ukoll b’mod aktar indirett, permezz ta’ żieda fl-investiment f’pajjiżi li mhumiex fl-UE, filwaqt li tinżamm il-produzzjoni tal-UE. Dan tal-aħħar huwa aktar il-każ illum il-ġurnata fir-rigward tal-intrapriżi globali minħabba ħafna fatturi ta’ produzzjoni. Peress li l-produzzjoni f’dawn l-“industriji qodma” qed tiżdied globalment, għandhom jinħolqu wkoll inċentivi bilanċjati għall-promozzjoni tat-teknoloġiji b’livell baxx ta’ CO2 għal dawn l-industriji fl-UE, mingħajr ma tintlaqat il-kompetittività relattiva tagħhom.

5.13.

L-industrija u l-kummerċ fl-UE għandhom jaħdmu f’dan ir-rigward sabiex il-kontribut tagħhom għat-tnaqqis tal-impatt fuq it-tibdil fil-klima minħabba l-intrapriżi tagħhom ikun konformi mal-mira ta’ 80-95 % anqas sal-2050. Il-pjan direzzjonali għall-kisba ta’ dan l-objettiv jista’, madankollu, jvarja skont is-setturi u l-intrapriża kkonċernati. Permezz tal-iżvilupp, il-manifattura u l-esportazzjoni ta’ prodotti u servizzi, l-industrija u l-kummerċ fl-UE jistgħu jappoġġjaw lil pajjiżi oħra fl-isforzi tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Sakemm dan isir b’impatt imnaqqas fuq il-klima fl-Ewropa minn reġjuni oħra dan jista’ jfisser li l-emissjonijiet totali ogħla jistgħu jiġu aċċettati fil-perjodu qasir, iżda mingħajr ma tiġi kompromessal-mira ta’ tnaqqis Ewropea tal-Orizzont 2050. Għalhekk, jista’ jkun utli li jinħolqu tali pjani direzzjonali speċifiċi tal-UE għal kull settur tal-industrija.

5.14.

Il-problemi deskritti tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u r-rilokazzjoni ta’ livelli baxxi ta’ emissjonijiet tal-karbonju ma jagħmlux parti min-negozjati tal-COP 21. L-UE għandha timpenja ruħha fil-livelli kollha, sabiex pereżempju jiġu stabbiliti mekkaniżmi tas-suq li jiżguraw, fost affarijiet oħra, li l-emissjonijiet tal-prodotti jiġu kkunsidrati fi kwistjonijiet ta’ kummerċ globali. Għandhom jittieħdu aktar passi biex tiġi indirizzata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju; bħalma hu l-aġġustament tal-karbonju fuq il-fruntieri, li hija sistema mmirata biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet indaqs. Taħt din is-sistema, il-prezz tal-oġġetti importati jiżdied fuq il-fruntieri fuq il-bażi ta’ kalkolu tal-massa tal-emissjonijiet għal dawk l-oġġetti. Mudelli fi studju reċenti juru li l-aġġustament tal-karbonju fuq il-fruntieri jista’ jnaqqas sostanzjalment ir-rilokazzjoni tal-karbonju f’setturi rilevanti (17).

5.15.

Madankollu, xi msieħba kummerċjali ewlenin tal-Ewropa ma jaqblux mal-aġġustamenti tal-karbonju fuq il-fruntieri fil-forma li qed tiġi diskussa bħalissa. Din il-kwistjoni għandha tiġi negozjata fid-WTO. It-trattat jippermetti li jitiqesu temi “mhux kummerċjali”. Ma għandhiex tiġi sottovalutat d-diffikultà li dan isir fin-nuqqas ta’ ftehim dinji dwar l-ipprezzar tal-karbonju. It-tħassib jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ tfassil aħjar tal-aġġustamenti tal-karbonju fuq il-fruntieri. Il-punt kruċjali huwa li aġġustament tat-taxxi fuq il-karbonju fuq il-fruntieri mhuwiex għodda anti-dumping iżda jikkontribwixxi għal politika dinjija għal klima sostenibbli, sakemm dan jitfassal sew (18).

5.16.

F’termini konkreti, dan ifisser li pereżempju fit-TTIP u n-negozjati tas-CETA għandhom jiġu previsti mekkaniżmi rilevanti.

Xi jfisser il-falliment (parzjali) tan-negozjati?

5.17.

Permezz ta’ dawn il-kummenti, il-KESE jixtieq jesprimi li l-falliment jew il-falliment parzjali tan-negozjati tal-COP 21 bl-ebda mod ma jfisser it-tmiem tal-isforzi tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, għalkemm ikun ta’ dispjaċir u intopp kbir. Ma jiġux provduti ċ-ċarezza u l-prevedibbiltà li jipprovdi ftehim vinkolanti u li jkunu mixtieqa ħafna għall-ekonomija u s-soċjetà inġenerali u li jagħtu impetus ġdid. Madankollu, fir-realtà l-ġlieda għas-swieq futuri tat-teknoloġiji ekoloġiċi ilha li bdiet u l-Ewropa għandha tiffaċċja din il-ġlieda, indipendentement minn jekk il-COP-21 tħallix il-frott jew le.

5.18.

Kif inhu magħruf sew, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima mhijiex l-uniku argument li jiġġustifika t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Il-bidu tal-iskarsezza tal-enerġija fossili, is-sigurtà tal-enerġija u l-fatt li t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli f’ħafna oqsma diġà jipproduċu enerġija orħos mis-sorsi ta’ enerġija konvenzjonali lkoll huma sinjali ċari li din hija triq li għandna nieħdu u ma nħarsux lura.

6.   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili

6.1.

Peress li l-KESE jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Protokoll ta’ Pariġi, min-naħa l-oħra jsibha diffiċli biex jifhem in-nuqqas ta’ strateġija fil-Komunikazzjoni dwar kif il-Kummissjoni trid torganizza u tikkomunika l-pożizzjoni tagħha, u fi stadji aktar tard l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet, lis-soċjetà ċivili. Għall-KESE, il-Kummissjoni għandha l-obbligu ċar li fir-rigward tal-istrateġija tagħha dwar il-klima tidħol fi djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili u b’mod partikolari mal-korpi istituzzjonali li jirrappreżentawhom.

6.2.

Is-soċjetà ċivili għandha tal-inqas tliet rwoli importanti. Minn naħa, għandha tgħin biex takkumpanja l-proċess ta’ negozjati politiċi u teżerċita pressjoni soċjali sabiex jittieħdu mhux biss id-deċiżjonijiet vinkolanti li huma msemmija hawn fuq, iżda wkoll dawk id-deċiżjonijiet skont l-aspettattivi ambjentali, ekonomiċi u soċjali.

6.2.1.

In-negozjati – bħal dawk tal-COP – għalhekk huma meħtieġa biss għaliex hemm fehmiet differenti fi ħdan il-komunità internazzjonali dwar l-urġenza, l-ambitu, il-finanzjament, ir-responsabbiltà, eċċ.. Fejn ikun hemm qbil, ma jkunx hemm bżonn ta’ negozjati. Anke fi ħdan is-soċejtà ċivili kien hemm (u għad hemm) pożizzjonijiet differenti. Madankollu, l-aktar COPs reċenti urew li żgur mhumiex “biss” l-ambjentalisiti, il-gruppi tal-politiki dwar l-iżvilupp, l-organizzazzjonijiet tan-nisa u r-rappreżentanti tal-popli indiġeni – biex insemmu wħud mill-partijiet interessati – li qed jitolbu sforzi rigorużi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Għall-kuntrarju, hemm moviment globali mifrux sew tas-soċjetà ċivili.

6.2.2.

Irridu nirrikonoxxu b’mod partikolari l-impenn qawwi tal-moviment tat-trejdjunjins (globali) u ta’ ħafna gruppi ta’ interess ekonomiku u kumpaniji matul is-snin, pereżempju l-ħidma tal-ITUC u l-Kunsill Dinji tan-Negozji għall-Iżvilupp Sostenibbli. Huwa rikonoxxut li ekonomija favur il-klima b’użu effiċjenti tar-riżorsi twitti t-triq għal opportunitajiet ġodda ta’ żvilupp ekonomiku.

6.2.3.

F’dan ir-rigward, il-COP 20 f’Lima kienet demostrazzjoni impressjonanti taż-żewġ naħat, kemm ta’ min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema, iżda wkoll tas-soċjetà ċivili kollha, li turi lill-politiċi responsabbli li sezzjonijiet wesgħin ħafna tas-soċjetà jridu ħafna aktar minn dak li ħareġ min-negozjtai politiċi.

6.2.4.

L-attivitajiet relatati mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima ħadu dimensjoni kompletament ġdida anke fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet. Huma wkoll jirrikonoxxu li l-bżonnli ma ssirx iktar ħsara f’ċerti reġjuni u lill-persuni li jgħixu u jaħdmu fihom u jagħrfu wkoll li qed ifeġġu opportunitajiet biex jinħolqu ktajjen tal-valur ġodda, u li dawn għandhom jintużaw.

6.3.

It-tieni rwol tas-soċjetà ċivili huwa li tkun involuta b’mod attiv fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Fil-fehma tal-KESE, il-politika f’dan ir-rigward għandha tiġi maħsuba mill-ġdid f’termini strateġiċi, għandha tagħmel possibbli tali parteċipazzjoni u għandha tersaq lejn involviment ħafna aktar mill-qrib.

6.3.1.

Pereżempju mill-analiżi tal-KESE dwar kemm is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar l-Enerġija Rinnovabbli ħareġ biċ-ċar li firxa wiesgħa tas-soċjetà ċivili, inklużi ħafna SMEs, jixtiequ jipparteċipaw b’mod dirett pereżempju permezz ta’ proġetti taċ-ċittadini sabiex ikunu jistgħu japprofittaw mill-attivitajiet ekonomiċi ġodda fir-reġjuni tagħhom.

6.3.2.

Pereżempju, is-suċċess tat-tranżizzjoni tal-enerġija fid-Danimarka u l-Ġermanja huwa bbażat ferm fuq il-fatt li l-individwi, il-bdiewa, il-muniċipalitajiet, il-kooperattivi u l-intrapriżi żgħar huma involuti fil-produzzjoni tal-enerġija u jibbenefikaw minnha b’mod ekonomiku. Madankollu, l-opportunitajiet ta’ involviment hawnhekk b’mod sistematiku marru għall-agħar minflok ittejbu mill-Kummissjoni.

6.4.

It-tielet nett, apparti mill-monitoraġġ tal-proċess u l-għajnuna fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet, is-soċjetà ċivili tista’ tgħin ukoll biex ixxerred il-prattiki tajba u l-għarfien dwar l-iżviluppi pożittivi fl-intrapriżi. Huwa partikolarment importanti li ssir enfasi fuq dawk iż-żoni ekonomiċi fejn jidher li hemm kunċett żbaljat komuni li “ma jsir xejn, l-emissjonijiet jibqgħu jiżdiedu”, bħalma huma t-trasport jew il-proċessi industrijali. Id-deċiżjonijiet politiċi jistgħu jkunu aktar rilevanti jekk l-inċentivi jkunu bbażati fuq l-għarfien ta’ żviluppi attwali jew futuri fil-mudelli tat-teknoloġija u tan-negozju. Dan ir-rwol tas-soċjetà ċivili jista’ jitwettaq permezz ta’ konferenzi u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni li juru l-approċċ wiesa’ tal-impenn mis-settur privat, mhux l-inqas fl-Istati Membri tal-UE.

6.5.

Fil-COP 21 mhux ser jiġi diskuss ir-rwol strateġiku tas-soċjetà ċivili. Dan jagħmilha aktar importanti li dawk li jfasslu l-politika jikkoordinaw mas-soċjetà ċivili barra l-proċess tal-COP u jiżviluppaw strateġiji adatti.

6.6.

L-UE qiegħda partikolarment lura f’dan ir-rigward. Il-Kumitat jiddispjaċih, pereżempju, li la l-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 u lanqas il-proposta dwar unjoni Ewropea tal-enerġija ma jinkludu ideat konkreti għall-involviment tas-soċjetà ċivili.

6.7.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-PE, fl-aħħar jidħlu fi djalogu strutturat u intensiv sabiex ma jinjorawx ir-rieda bażika tas-soċjetà biex tiżviluppa strutturi ġodda. Il-politika l-ġdida dwar il-klima ma tistax u m’għandhiex tkun imposta “minn fuq”, iżda għandha tkun ibbażata fuq kunsens wiesa’ fost il-partijiet interessati kollha u għandha tiġi implimentata “minn isfel”.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Jiġifieri ħsara kkawżata mill-bniedem.

(2)  Jiġifieri ħsara kkawżata mill-bniedem.

(3)  http://de.statista.com/statistik/daten/studie/311924/umfrage/treibhausgasemissionen-weltweit/

(4)  Il-pajjiżi firmatarji diġà huma obbligati jippubblikaw rapporti regolari li jinkludu informazzjoni dwar l-emissjonijiet u t-tendenzi attwali tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

(5)  COM(2015) 81 final 25.2.2015.

(6)  L-Università ta’ Maryland, ara: www.tagesschau.de/ausland/klimaindex104.html

(7)  L-INDCs kellhom jiġu ppreżentati sal-aħħar ta’ Marzu 2015. Sas-17 ta’ Mejju 2015, l-Iżvizzera, l-UE, in-Norveġja, il-Messiku, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Gabon, ir-Russja, il-Liechtenstein, Andorra u l-Kanada biss kienu għandhom ressqu l-INDCs tagħhom.

(8)  Ara: http://www.futurejustice.org/

(9)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Qafas ta’ politika għall-Klima u l-Enerġija 2020-2030” (NAT/636), punti 1.2 u 3.3.

(10)  Diskuss fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin fid-19 ta’ Jannar 2015, 5411/15.

(11)  Ara l-punt 225 tad-Dikjarazzjoni finali.

(12)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Strumenti bbażati fuq is-suq għal ekonomija tal-UE effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju” (NAT/620), ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1, punti 1.3, 1.7 u 1.8.

(13)  Dokument ta’ ħidma tal-FMI “How Large are Global Energy Subsidies?” (WP/15/105).

(14)  Il-Ġermanja: USD 30,6 biljun (2011), USD 22,8 biljun (2012) u USD 9,9 biljun (2013). L-Italja: USD 28,0 biljun (2011, ir-raba’ fid-dinja dak iż-żmien), USD 14,7 biljun (2012), USD 3,6 biljun (2013, issa fl-10 pożizzjoni fid-dinja).

(15)  Referenza għall-istudju tal-World Resource Institute, Better Growth, Better Climate: the New Climate Economy Report.

(16)  Aġenzija Ewropea għall-Ambjent: Inventarju annwali tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-Unjoni Ewropea 1990-2012 u rapport dwar l-inventarju 2014.

(17)  Ara l-Opinjoni tal-KESE “Strumenti bbażati fuq is-suq – Ekonomija tal-UE b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju” (NAT/620), ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1, punt 3.5.

(18)  Ara n-nota 17 f’qiegħ il-paġna.


17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew għall-Investiment dwar “Il-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem”

(COM(2015) 80 final)

u

l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar “Il-ksib tal-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020”

(COM(2015) 80 final)

(2015/C 383/12)

Relatur:

is-Sinjura Ulla SIRKEINEN

Korelatur:

is-Sur Pierre-Jean COULON

Nhar id-9 u nhar il-25 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew għall-Investiment dwar “Il-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem”

(COM(2015) 80 final), u

l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar “Il-ksib tal-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020”

(COM(2015) 80 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Ġunju 2015.

Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tal-1 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni unanimament b’100 vot.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-KESE jikkonkludi li

1.1

Sa ċertu punt il-politika tal-enerġija tal-UE rnexxielha b’mod partikolari żżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-għażla għall-konsumatur. Xorta waħda ħafna mill-kwistjonijiet ta’ politika tal-enerġija huma trattati bħala interessi nazzjonali.

1.2

L-isfidi żdiedu: riskji għas-sigurtà tal-provvista tal-gass; spejjeż ogħla tal-enerġija li jolqtu lill-konsumaturi u jdgħajfu l-kompetittività industrijali; l-effetti ta’ proporzjonijiet akbar ta’ enerġija rinnovabbli intermittenti fuq l-istabbiltà tas-sistema tal-elettriku.

1.3

Hemm bżonn ta’ investimenti massivi biex tiġi żgurata provvista tal-enerġija fl-Ewropa. L-investituri jeħtieġu qafas politiku prevedibbli u affidabbli kemm jista’ jkun.

1.4

Sabiex jintlaħaq dak mistenni mill-Ewropej, l-enerġija għandha tiġi indirizzata b’mod aktar koerenti. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u suq intern tal-enerġija li jiffunzjona bis-sħiħ huma inevitabbli.

1.5

Qed tiġi approvata l-proposta għal Unjoni tal-Enerġija Ewropea, u l-implimentazzjoni tagħha hija urġenti. Dan jista’ jwassal sabiex il-moviment liberu tal-enerġija jsir il-ħames libertà tal-UE!

Il-KESE jirrakkomanda li

1.6

Biex din l-inizjattiva tirnexxi se tkun teħtieġ messaġġ aktar ċar – viżjoni ta’ tmexxija – dwar dak li ċ-ċittadini u l-intrapriżi Ewropej se jiggwadanjaw mill-Unjoni tal-Enerġija.

1.7

Apparti s-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà, għandha tingħata prijorità għolja lill-ispejjeż ogħla tal-enerġija għaċ-ċittadini u l-intrapriżi. Fejn iż-żidiet fil-prezzijiet finali tal-elettriku huma dovuti għal azzjoni politika, wieħed jistenna bir-raġun kollu li ssir korrezzjoni.

1.8

L-enerġija għandha ssir parti ewlenija tal-poltiki esterni tal-UE fid-dawl ta’ kompetizzjoni dejjem akbar għal sorsi tal-enerġija u l-ħtieġa li jiġu diversifikati s-sorsi tal-provvista.

1.9

Fit-tħejjija ta’ proposti għal reviżjonijiet ta’ partijiet differenti tal-leġislazzjoni dwar l-enerġija, kif proposti fil-pjan direzzjonali u appoġġjati mill-KESE, il-Kummissjoni għandha tevita l-inkonsistenzi u ż-żieda fl-ispejjeż, iżda pjuttost għandha tipprova tissemplifika l-proċessi.

1.10

Għandhom jiġu żviluppati metodi għall-involviment tal-konsumaturi b’kooperazzjoni mal-konsumaturi stess, inkluż bl-użu innovattiv tal-ICT. Il-faqar enerġetiku għandu jiġi indirizzat primarjament permezz ta’ miżuri ta’ politika soċjali.

1.11

Biex jiġi sfruttat il-potenzjal kbir ta’ titjib fl-effiċjenza enerġetika fil-bini u, b’mod partikolari, fit-trasport, hemm bżonn ideat għal finanzjament innovattivi.

1.12

Hemm ħtieġa għal riforma strutturali tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (EU ETS), filwaqt li huma daqstant ieħor importanti l-miżuri f’setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS.

1.13

Sakemm jintlaħqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fuq livell globali trid titqies bis-serjetà l-problema tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. L-atturi bl-aħjar prestazzjonijiet industrijali għandhom jingħataw kumpens sħiħ għal żidiet fl-ispejjeż diretti jew indiretti.

1.14

L-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli, inkluża l-bijoenerġija, jitlob appoġġ iżda dan ma għandux iżid l-ispejjeż għall-utent.

1.15

Is-soluzzjoni tal-isfidi futuri tal-enerġija titlob finanzjament aktar qawwi għar-riċerka u l-innovazzjoni. Meta l-enerġija tiġi tratttata bħala input fil-produzzjoni bl-iktar mod effiċjenti u sostenibbli possibbli, dan joffri potenzjal wiesa’ għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE.

1.16

Governanza ġdida tal-politika dwar l-enerġija għandha tiżgura l-koerenza bejn aspetti differenti tal-enerġija kif ukoll li jintlaħqu l-miri fil-livell tal-UE. Id-Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija (DEE), propost mill-KESE, għandu jiġi attivat mingħajr dewmien biex iservi ta’ appoġġ.

1.17

Għandhom jiġu implimentati b’mod urġenti l-miżuri biex tiżdied l-interkonnessjoni tal-grilji tal-elettriku, inklużi proċessi ta’ approvazzjoni aktar rapidi. Għandu jiġi mistħarreġ jekk tkunx tassew vijabbli mira ugwali għal kulħadd.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-politika tal-enerġija fl-UE għandha tliet għanijiet ewlenin: is-sigurtà tal-provvista, is-sostenibbiltà u l-kompetittività. Il-leġislazzjoni tal-UE tkopri s-swieq tal-enerġija kif ukoll l-aspetti ambjentali u klimatiċi tal-enerġija. Il-finanzjament tal-UE jappoġġja r-riċerka u l-iżvilupp fl-enerġija u l-iżvilupp tal-infrastruttura. Min-natura tagħha, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija prinċipalment responsabbiltà lokali jew nazzjonali, u għandhom jiġu osservati aspetti tas-suq intern. It-Trattati jagħtu lill-Istati Membri d-dritt li jiddeċiedu dwar l-użu tar-riżorsi tal-enerġija tagħhom u t-taħlita tal-enerġija tagħhom.

2.2

Il-politiki dwar l-enerġija fl-Ewropa rnexxew sa ċertu punt. Il-miri (20-20-20 sal-2020) stabbiliti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra u jiżdied l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jidher li se jintlaħqu qabel iż-żmien u l-effiċjenza tal-enerġija tidher li se tkun żviluppata kważi sal-mira stabbilita, għalkemm sa ċertu punt dan huwa riżultat tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Is-swieq ġew miftuħa u l-għażla tal-konsumatur żdiedet. Madankollu, fil-prattika l-politika dwar l-enerġija tiġi ttrattata prinċipalment bħala kwistjoni nazzjonali. L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE twettqet bil-mod jew b’mod mhux komplet, u għadu ma ntlaħaqx suq intern li jiffunzjona verament. Fil-livelli tal-UE u nazzjonali, il-politiki dwar aspetti differenti tal-enerġija kienu frammentati u ta’ spiss żbilanċjati.

2.3

Sabiex dan jinbidel, fl-2010, l-Istitut Notre Europe-Jacques Delors ippropona l-ħolqien ta’ Komunità tal-Enerġija Ewropea. Din l-inizjattiva kellha l-appoġġ attiv tal-KESE.

2.4

Dan l-aħħar, ħarġu fid-dieher sfidi ġodda tal-enerġija. It-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija kiber ħafna f’xi Stati Membri. Il-konsumaturi, speċjalment dawk vulnerabbli, qed iġarrbu żieda fl-ispejjeż tal-enerġija minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. L-industrija qed issibha diffiċli li tkun kompetittiva fil-konfront ta’ prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi f’reġjuni kompetittivi u jekk jissokta t-tnaqqis industrijali f’ħafna Stati Membri flimkien mar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, mhux biss l-impjiegi u t-tkabbir, iżda anke t-tranżizzjoni tal-enerġija stess se tkun mhedda. Minkejja suċċessi kbar fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, l-Ewropa qiegħda fil-periklu li titlef il-pożizzjoni mexxejja tagħha. F’xi pajjiżi l-proporzjon dejjem akbar ta’ enerġija rinnovabbli qed iwassal għal problemi ta’ ġestjoni tas-sistema tal-elettriku u l-produzzjoni tradizzjonali tal-enerġija kulma jmur mhux qed tħalli qligħ. Skont, il-Kummissjoni (1), jinħtieġu investimenti ta’ madwar EUR 2  000 biljun għall-perjodu bejn l-2020 u l-2030 biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija, inklużi l-investimenti fil-grilji u fil-produzzjoni, indipendentement minn jekk jintużawx sorsi tradizzjonali jew alternattivi ta’ enerġija.

3.   Il-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni

3.1

Għall-Kummissjoni l-ġdida taħt Jean-Claude Juncker, il-politika tal-enerġija hija waħda mill-għaxar oqsma ta’ prijorità. F’Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew issettja l-miri għall-politika dwar l-enerġija u l-klima sal-2030: tnaqqis ta’ mill-inqas 40 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mil-livell tal-1990, proporzjon tal-enerġija rinnovabbli ta’ mill-inqas 27 % u effiċjenza enerġetika ta’ mill-inqas 27 %.

3.2

Fil-25 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni tagħha dwar Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ‘il quddiem  (2) L-istrateġija għandha ħames dimensjonijiet interrelatati u li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku maħsubin biex iġibu aktar sigurtà tal-enerġija, sostenibilità u kompetittività:

sigurtà tal-enerġija, solidarjetà u fiduċja;

suq tal-enerġija Ewropew integrat bis-sħiħ;

effiċjenza enerġetika li tikkontribwixxi għall-moderazzjoni tad-domanda;

dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija; u

riċerka, innovazzjoni u kompetittività.

3.3

L-istrateġija tippreżenta l-viżjoni ġenerali tal-Kummissjoni għal Unjoni tal-Enerġija. Abbażi ta’ deskrizzjonijiet qosra tal-isfidi fil-ħames dimensjonijiet, din tipproponi 15-il punt ta’ azzjoni. Pjan direzzjonali li huwa mehmuż jelenka l-azzjonijiet ippjanati tal-Kummissjoni, li jkopru prinċipalment din is-sena u l-2016. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn huma reviżjonijiet ta’ leġislazzjoni eżistenti.

3.4

Fl-istess pakkett, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar Il-ksib tal-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020  (3) u Komunikazzjoni dwar Il-Protokoll ta’ Pariġi – Pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020  (4).

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat iqis li l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea għal Unjoni tal-Enerġija Ewropea tixbah l-idea preċedenti ta’ Komunità tal-Enerġija Ewropea, u għaldaqstant jappoġġja din l-inizjattiva.

4.2

Sabiex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni fir-rigward tal-ħtiġijiet enormi, l-investituri jeħtieġu kemm jista’ jkun malajr qafas leġislattiv prevedibbli u affidabbli għall-perjodu mill-2020 ‘il quddiem. Il-punti ta’ azzjoni u l-pjan direzzjonali ppreżentati mill-Kummissjoni ma jinkludux bidliet kbar, iżda r-reviżjoni u l-aġġornament tal-leġislazzjoni attwali. L-aktar ħaġa importanti hija l-implimentazzjoni. Issa huwa importanti ferm li ma niddevjawx mill-ħeffa tal-iskeda ta’ żmien. Naturalment huwa daqstant ieħor importanti li la l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma jipprokrastinawx dwar dawn il-kwistjonijiet.

4.3

Madankollu, skont il-KESE, biex din l-inizjattiva tirnexxi se jkun meħtieġ messaġġ aktar ċar – viżjoni ta’ tmexxija – dwar dak li ċ-ċittadini u l-intrapriżi Ewropej se jiggwadanjaw mill-Unjoni tal-Enerġija. Dawk kollha involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet għandhom iżommu dejjem f’moħħhom din il-viżjoni.

4.4

Ħafna partijiet interessati jinsabu mħassbin dwar leġislazzjoni inkonsistenti u interferenza f’numru kbir wisq ta’ aspetti tal-ekonomija tal-enerġija. Sabiex jintlaħaq dak mistenni mill-Ewropej, b’mod partikolari b’rabta mal-isfidi ġodda, l-enerġija għandha tiġi indirizzata b’mod aktar koerenti. Dan japplika għall-għanijiet u l-oqsma differenti ta’ politika kif ukoll l-interessi nazzjonali meta mqabbla mal-interessi komuni tal-UE aktar ġenerali.

4.5

Il-KESE huwa konvint li biex jintlaħqu l-għanijiet tal-poltika tal-enerġija bilfors irid ikun hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u suq intern tal-enerġija li jiffunzjona bis-sħiħ. Aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma meħtieġa sabiex titnaqqas id-dipendenza esterna u l-emissjonijiet. Huwa diġà ċar li sistema tal-elettriku b’ishma akbar ta’ enerġija rinnovabbli intermittenti se tkun teħtieġ suq akbar minn dak nazzjonali biex tkun tista’ tiffunzjona aħjar. L-ispejjeż għal riserva alternattiva (back-up), kapaċità massima u ħżin (tal-gass) huma wkoll iktar baxxi f’suq akbar.

4.6

Apparti s-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà, għandha tingħata prijorità għolja lill-ispejjeż ogħla tal-enerġija għaċ-ċittadini u l-intrapriżi. F’sitwazzjoni fejn iċ-ċittadini jħossuhom aktar u aktar maqtugħa mill-UE u jinsabu f’diffikultajiet minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, l-ispejjeż tal-enerġija bla dubju jkunu tħassib ewlieni. L-istess jgħodd għall-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, u l-ħaddiema tagħhom li jikkompetu fis-swieq internazzjonali.

4.7

Fejn iż-żidiet fil-prezzijiet finali tal-enerġija, b’mod partikolari għall-elettriku, huma prinċipalment dovuti għal deċiżjonijiet politiċi dwar it-taxxi u l-imposti, il-korrezzjoni ta’ dan tista’ tkun ġustament mistennija. Il-Kummissjoni għandha tissokta bil-pjani tagħha dwar ir-reviżjoni tal-prezzijiet u l-gwida għall-miżuri ta’ appoġġ. Fl-istess ħin il-Kummissjoni għandha tispjega x’effetti fuq il-prezzijiet ser ikollhom it-tibdiliet ippjanati fl-iskema għan-negozjar tal-emissjonijiet, kif ukoll it-tnaqqis imwiegħed tas-sussidji għal sorsi tal-enerġija li huma ta’ ħsara għall-ambjent (5).

5.   Kummenti speċifiċi

Sigurtà tal-enerġija, solidarjetà u fiduċja

5.1

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-ixpruni ewlenin għas-sigurtà tal-provvista huma l-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija u konsum tal-enerġija aktar effiċjenti. Barra dan, ix-xena ġeopolitika internazzjonali jistħoqqilha ħafna aktar attenzjoni. Il-kompetizzjoni globali għar-riżorsi tal-enerġija se tiħrax, u din flimkien mad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija lejn l-UE għandhom ikunu partijiet ċentrali tal-azzjonijiet ta’ politika esterna u tal-kummerċ tal-UE.

5.2

Id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija hija prinċipalment kwistjoni ta’ taħlita tal-enerġija u l-għażliet fil-provvista fil-livell nazzjonali. L-UE tista’ u għandha tappoġġja l-iżvilupp infrastrutturali. Il-provvista tal-gass issa qed tingħata attenzjoni speċjali. L-iżvilupp fid-domanda għall-gass fl-UE għandu jiġi mistħarreġ bir-reqqa, u l-projezzjonijiet għall-investimenti fl-infrastruttura għandhom jiġu adattati għal dan. Għandha tingħata aktar attenzjoni għal sorsi oħra ta’ enerġija, bħal dawk indiġeni.

5.3

Għandu jkun ovvju għall-Istati Membri li jkun jaqblilhom jikkooperaw aktar mill-qrib u jiskambjaw l-informazzjoni f’suq – tal-gass jew oħrajn – fejn jiffaċċjaw fornitur dominanti jew kartell. Madankollu, il-kooperazzjoni ma għandhiex tkun ta’ xkiel għall-funzjonament tas-suq. Huwa mistenni li jkun hemm solidarjetà bejn l-Istati Membri iżda din tista’ tkun ibbażata biss fuq il-fiduċja u r-rispett ta’ impenji u regoli komuni. Il-problemi tal-gżejjer tal-enerġija jeħtieġu attenzjoni speċjali, inklużi l-ispeċifiċitajiet ta’ gżejjer meta mqabbla mal-kontinent.

Suq intern tal-enerġija integrat bis-sħiħ

5.4

L-aġġornament tan-netwerks tal-elettriku u tal-gass huwa ta’ importanza ewlenija biex tintlaħaq Unjoni tal-Enerġija. Il-kwistjoni dwar l-interkonnessjoni tal-elettriku ser tiġi diskussa fil-kapitolu 6 abbażi tal-Komunikazzjoni dwar dan is-suġġett.

5.5

L-enerġija, speċjalment is-swieq tal-elettriku, ibatu mill-implimentazzjoni mhux kompluta tad-direttivi rilevanti u mill-kooperazzjoni li għadha dgħajfa bejn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u r-regolaturi nazzjonali. Il-KESE jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, iżda jwissi kontra żieda fil-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż.

5.6

Ir-rabtiet bejn is-swieq tal-ingrossa u dawk tal-imnut huma dgħajfa, jew tal-inqas oskuri – hemm bżonn ta’ aktar trasparenza għall-ipprezzar. Jidher li n-nuqqas ta’ sinjali tal-prezzijiet għall-investimenti u n-nuqqas ta’ flessibbiltà min-naħa tad-domanda huma kwistjonijiet ewlenin. L-isfidi huma l-proporzjon akbar ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-kwistjoni ta’ kapaċità żejda meta mqabbla mal-ħtieġa għal bilanċ u kapaċità li tlaħħaq mal-livell massimu. Tinħtieġ reviżjoni tar-regolazzjoni relevanti, iżda fl-abbozzar il-Kummissjoni għandha tevita ż-żieda fl-ispejjeż tal-utenti filwaqt li tappoġġa soluzzjonijiet li jwasslu għal swieq transkonfinali.

5.7

Is-swieq tal-elettriku u tal-gass qegħdin dejjem aktar jiżviluppaw fi swieq reġjonali de facto ta’ pajjiżi ġirien. Dan huwa żvilupp pożittiv, fit-triq lejn swieq mifruxa mal-UE kollha, u għandu jkollu l-appoġġ ta’ dawk li jagħmlu r-regoli. B’mod partikolari, il-prattiki tajbin u l-esperjenzi għandhom jiġu kondiviżi bejn ir-reġjuni u, tabilħaqq, l-UE. Hawnhekk ukoll, għandhom jiġu evitati aktar piżijiet amministrattivi.

5.8

Huwa fl-interess ta’ kulħadd li l-konsumaturi jipparteċipaw fis-swieq tal-enerġija, iżda dan ma jistax isir bil-forza. Jeħtieġ li jiġu żviluppati metodi magħżula bir-reqqa, b’mod partikolari l-użu innovattiv tal-ICT, f’kooperazzjoni mal-konsumaturi stess sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tar-rispons skont id-domanda u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż.

5.9

Il-konsumaturi vulnerabbli huma saħansitra aktar vulnerabbli fis-sitwazzjoni ekonomika tal-lum f’ħafna Stati Membri. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li għandhom jiġu appoġġjati primarjament dawn il-konsumaturi permezz ta’ miżuri ta’ politika soċjali suffiċjenti. L-osservatorju tal-faqar enerġetiku, propost mill-Kumitat aktar kmieni, għandu jgħin biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet reali.

L-effiċjenza enerġetika bħala kontribut għall-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija

5.10

Dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-biċċa l-kbira tax-xogħol irid isir fil-livell nazzjonali u lokali. Miżuri tal-UE li rnexxew f’dan il-qasam kienu r-regoli dwar l-ittikkettar u l-ekodisinn, li jeħtieġ jiġu riveduti regolarment.

5.11

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposti li jiżguraw li l-miżuri ta’ effiċjenza u ta’ r-rispons skont id-domanda jkunu jistgħu jikkompetu fuq termini ugwali fis-suq tal-enerġija, sakemm dan jitfassal biex jissodisfa l-interessi reali tal-utenti.

5.12

Il-KESE jaqbel li fis-setturi tal-bini u tat-trasport il-potenzjal tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija – jew fil-fatt l-iffrankar – huwa kbir u għandu jiġi sfruttat permezz ta’ miżuri mfassla bir-reqqa. Pereżempju, iċ-ċertifikazzjoni tal-enerġija u s-sistemi ta’ tikkettar tal-materjal tal-bini jkunu jeħtieġu reviżjonijiet. Hawn domanda għall-ideat għal finanzjament innovattiv.

Id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija

5.13

Il-KESE qed iħejji opinjoni separata dwar “it-triq lejn Pariġi”. Il-KESE prinċipalment jappoġġja l-isforzi tal-UE dwar din ir-rotta għal kollox kruċjali biex jintlaħqu biżżejjed impenji globali legalment vinkolanti.

5.14

Il-KESE jappoġġja wkoll, bħal f’opinjonijiet preċedenti, il-proposti ta’ riforma strutturali tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet (EU ETS). Daqstant importanti huma d-deċiżjonijiet dwar miżuri futuri, prinċipalment dawk nazzjonali, fis-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS.

5.15

Sakemm jintlaħqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fuq livell globali, l-UE trid tqis bis-serjetà l-problema tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. L-industriji li jużaw ħafna enerġija li huma mhedda mir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju għandhom jiġu żgurati kumpens għal żidiet fl-ispejjeż tal-EU ETS kemm diretti kif ukoll indiretti b’rabta mal-effiċjenza tal-gassijiet b’effett ta’ serra tagħhom, filwaqt li jingħata kumpens sħiħ lil dawk bl-aħjar prestazzjoni. Għall-kumpens indirett hemm bżonn qafas mifrux mal-UE kollha sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-UE.

5.16

Il-KESE bi pjaċir jappoġġja l-objettiv li jiżgura li l-UE tkun fuq quddiem nett f’livell dinji rigward l-enerġija rinnovabbli. Hemm bżonn ta’ miżuri ta’ appoġġ, iżda dawn għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni u tas-suq, ikunu bbażati fuq is-suq u jevitaw żieda fil-prezzijiet tal-utent aħħari tal-enerġija. L-appoġġ għal teknoloġiji maturi u kompetittivi għandu jitneħħa gradwalment. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni.

5.17

Barra mis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-UE għandu jkollha bħala għan l-iżvilupp ta’ kull tip ta’ teknoloġija u soluzzjoni ta’ dekarbonizzazzjoni – teknoloġija nadifa.

5.18

Il-KESE jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-UE teħtieġ investimenti fil-bijoekonomija bbażata fuq il-pjanti bħala sors importanti ta’ enerġija rinnovabbli mhux intermittenti. Fit-tħejjija tal-pjani għal dan il-qasam għandu jitqies l-impatt fuq l-ambjent, l-użu tal-art u l-produzzjoni tal-ikel. Anke l-idroenerġija għandha potenzjal x’toffri.

Unjoni tal-Enerġija għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kompetittività

5.19

Il-KESE jappoġġja l-istrateġija l-ġdida proposta għar-riċerka u l-innovazzjoni iżda jtenni l-fehma tiegħu minn opinjonijiet preċedenti li huma meħtieġa aktar riżorsi biex jinstabu soluzzjonijiet għal sfidi futuri tal-enerġija. Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa, b’mod partikolari, li jitħeġġeġ il-finanzjament privat bl-użu ta’ miżuri tal-UE u li jkun hemm aktar involviment fil-kooperazzjoni globali dwar ir-riċerka u l-iżvilupp.

5.20

Madankollu, il-kompetittività tal-UE ma tfissirx biss li jkollha l-aħjar teknoloġiji rigward l-enerġija u l-klima. Huwa daqstant ieħor important, jekk mhux iktar, li l-enerġija titqies bħala input għall-produzzjoni bl-iktar mod effiċjenti u sostenibbli possibbli, f’mod aħjar mill-kompetituri. Dan huwa mod aktar mifrux u sigur biex jiġu żgurati t-tkabbir u aktar impjiegi fl-Ewropa.

5.21

It-tranżizzjoni hija eminenti fis-setturi kollha tal-ekonomija. Il-KESE jenfasizza l-fehma qawwija tiegħu li t-tranżizzjoni għandha tkun ġusta u ekwa. It-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huma miżuri ewlenin għas-suċċess. Id-djalogu soċjali fil-livelli nazzjonali u tal-UE għandu rwol ċentrali f’dan il-proċess.

Il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija

5.22

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura koerenza bejn l-aspetti differenti tal-politika dwar l-enerġija u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-governanza l-ġdida għandha timmira li jintlaħqu l-miri fil-livell tal-UE għall-2030. Madankollu ma għandhomx jitqiegħdu aktar obbligi ta’ ppjanar jew rapportar fuq l-Istati Membri, u minflok, għandhom jiġu semplifikati r-rekwiżiti attwali.

5.23

Il-KESE jinsab kuntent li l-inizjattiva tiegħu għal djalogu dwar l-enerġija mal-partijiet interessati ntlaqgħet mill-Kummissjoni. Issa huwa mistenni pjan ta’ azzjoni dettaljat.

6.   Rimarki dwar il-komunikazzjoni dwar il-kisba tal-mira ta’ interkonnessjoni ta’ 10 %

6.1

Proporzjonijiet ogħla ta’ elettriku intermittenti u rinnovabbli jeħtieġu kapaċità tan-netwerk akbar, l-istess bħal fil-każ tal-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż għal kapaċità massima u għal kapaċità ta’ riserva. Il-bżonn għal aktar kapaċità ta’ interkonnessjoni huwa ovvju f’ħafna każijiet, u saħansitra urġenti. Hija sorpriża li f’ħafna każijiet il-mira ta’ 10 % għadha ‘l bogħod milli tintlaħaq. Il-miżuri proposti fil-Komunikazzjoni huma milqugħa b’sodisfazzjon. Il-KESE kkummenta aktar kmieni dwar din il-kwistjoni, inkluż f’opinjoni fuq inizjattiva proprja reċenti dwar il-kooperazzjoni Ewropea fin-netwerks tal-enerġija.

6.2

L-approċċ skont Proġetti ta’ Interess Komuni jidher li huwa adatt. Jidher ukoll li jkun effettiv li tingħata prijorità għall-finanzjament ta’ proġetti li jżidu b’mod sinifikanti l-kapaċità ta’ interkonnessjoni mil-livelli li attwalment huma taħt l-10 %. Iżda jidher ukoll raġonevoli li tittieħed kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika fil-pajjiżi kkonċernati.

6.3

L-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament TEN-E hija urġenti. L-isforzi biex jitqassar it-tul tal-proċeduri ta’ approvazzjoni huma meħtieġa ħafna. Barra minn hekk, dan huwa qasam fejn għandhom jiġu mistħarrġa l-possibbiltajiet kollha għall-iffaċilitar u t-tħaffif tal-proċessi permezz tal-involviment bikri tal-partijiet interessati lokali. Għal dan il-għan, il-KESE ppropona, fost oħrajn, li jitwaqqaf Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija. Dan għandu jitqies meta tiġi żviluppata l-proposta dwar Forum tal-Infrastruttura tal-Enerġija.

6.4

Madankollu, jista’ jiġi esplorat jekk mira komuni għall-Istati Membri kollha, irrispettivament mid-daqs, it-taħlita tal-enerġija, il-viċinat eċċ., tkunx verament vijabbli. Prezz tal-elettriku li ma jkomplix jogħla jista’ jintuża bħala indikatur ta’ kapaċità ta’ interkonnetturi suffiċjenti.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2014) 903 final

(2)  COM(2015) 80 final

(3)  COM(2015) 82 final

(4)  COM(2015) 81 final

(5)  Il-Fond Monetarju Internazzjonali jistma li dawn ser jammontaw għal EUR 330 biljun fis-sena għall-Ewropa.


17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/91


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida”

(JOIN(2015) 6 final)

(2015/C 383/13)

Relatur:

is-Sur Gintaras MORKIS

Korelatur:

is-Sur Cristian PÎRVULESCU

Nhar l-10 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni Ewropea iddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Lejn Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida

(JOIN(2015) 6 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Ġunju 2015.

Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tal-1 ta’ Lulju 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’108 voti favur, vot 1 kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) taw bidu għal diskussjoni pubblika dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) il-ġdida. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ bi pjaċir dan il-proċess ta’ rieżami tal-PEV u jqis li huwa wieħed f’waqtu u ta’ importanza kruċjali.

1.2.

Il-KESE jinnota li l-PEV attwali ma tirriflettix ir-realtà fil-viċinat tal-UE u kellha quddiemha bosta sfidi, li ma ġewx indirizzati kif suppost. Jinħtieġu bidliet fundamentali fil-mekkaniżmu u l-istrumenti tal-PEV.

1.3.

Il-pajjiżi tal-PEV għandhom prijoritajiet ta’ politika barranija u ambizzjonijiet li jvarjaw fir-rigward tar-relazzjoni tagħhom mal-UE. Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu applikati l-prinċipji tad-divrenzjar u tal-flessibilità. Il-KESE jinnota li għandu jinżamm l-ambitu ġeografiku tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-PEV, iżda l-politiki dwar ir-relazzjonijiet għandhom jiġu żviluppati u mtejba. Xi pajjiżi attwali tal-PEV għandhom jitqiesu bħala msieħba ġenwini tal-UE, oħrajn bħala ġirien. Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza li l-aċċettazzjoni tal-valuri demokratiċi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għandhom japplikaw għall-istati kollha, peress li l-applikazzjoni ta’ standards doppji tiddemoralizza pajjiżi oħra tal-PEV.

1.4.

Fid-dokument ta’ konsultazzjoni konġunta tagħha dwar “Lejn politika tal-viċinat gdida”, il-Kummissjoni Ewropea qajmet ħafna mistoqsijiet. Madankollu, f’din l-Opinjoni l-KESE se jiffoka fuq dawk l-aktar importanti: il-pożizzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fl-UE kif ukoll fl-istati msieħba.

1.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-konsultazzjonijiet reċenti mal-imsieħba tan-Nofsinhar li saru f’Barċellona, il-laqgħa ministerjali informali dwar il-futur tal-PEV (Barċellona, 13 ta’ April 2015) – fejn il-parteċipanti affermaw mill-ġdid l-intenzjoni tagħhom li jaħdmu flimkien biex joħolqu żona ta’ prosperità u ta’ relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien fil-Mediterran – u d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant (EaP) (Riga, 21-22 ta’ Mejju 2015) – fejn il-parteċipanti ġeddew l-impenn tagħhom biex ikomplu jsaħħu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll biex jiddefendu l-prinċipji u l-istandards tal-liġi internazzjonali. Huwa importanti li l-UE tibqa’ timpenja ruħha biex tappoġġja l-integrità territorjali, kif ukoll l-indipendenza u s-sovranità tal-imsieħba kollha tagħha.

1.6.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-PEV il-ġdida għandha tiffoka fuq attivitajiet immirati biex iżidu s-sigurtà tal-bniedem u l-istabbiltà tal-viċinat tal-UE, kif ukoll attivitajiet li joħolqu kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar – u prosperità – fl-istati msieħba tal-PEV. L-għan ewlieni tal-PEV imġedda għandu jkun li tiżgura s-sigurtà tal-persuni u l-prospetti tagħhom li jgħixu ħajja dinjituża u prosperuża f’pajjiżhom, ħielsa mill-vjolenza, l-oppressjoni u l-faqar. Il-PEV għandha tieħu sehem attiv f’miżuri ta’ bini ta’ fiduċja u ta’ azzjoni wara l-kunflitti.

1.7.

Il-KESE jenfasizza li impjieg aħjar, ekonomija li tkun sostenibbli tiffunzjona b’mod miftuħ, l-attirar ta’ investiment barrani, u servizzi pubbliċi u protezzjoni soċjali effettivi u aċċessibbli jipprovdu bażi għall-istabilità, is-sigurtà u anke d-demokratizzazzjoni. Flimkien maż-żewġ inizjattivi ewlenin li jinkludu ż-żewġ xpruni ewlenin għal aktar integrazzjoni tal-pajjiżi tal-PEV fl-UE, jiġifieri l-liberalizzazzjoni kummerċjali (li prinċipalment tikkonsisti minn ftehimiet ta’ assoċjazzjoni (AA) u żoni ta’ kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi (DCFTAs) u l-mobilità u l-faċilitazzjoni tal-viżi (jew il-liberalizzazzjoni tal-viżi għal xi pajjiżi), il-KESE jqis l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (speċjalment għaż-żgħażagħ) bħala t-tielet inizjattiva ta’ importanza kbira fi ħdan il-PEV il-ġdida.

1.8.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-PEV ma għandhiex tkun separata mill-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK). Fl-istess ħin, filwaqt li tivvaluta l-interessi u r-reazzjonijiet ta’ partijiet interessati lil hinn miż-żona tal-PEV, l-UE għandha tibqa’ soda fil-pożizzjoni tagħha u tiżgura li ħadd ma jkun jista’ jimponi r-rieda tiegħu fuq stati indipendenti u lanqas jiddetta l-aġenda jew l-għanijiet tal-UE u tal-pajjiżi tal-PEV.

1.9.

L-UE għandha taħdem aktar mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, bħan-NATO u n-NU, biex tiddefendi s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-pajjiżi kollha tal-PEV. Huma meħtieġa diplomazija u komunikazzjoni aħjar barra ż-żona tal-PEV (speċjalment mas-soċjetà ċivili) bħala strument għall-prevenzjoni tal-konfrontazzjoni u sabiex jinħolqu relazzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku li jwasslu għall-progress ekonomiku u standards aħjar tal-għajxien.

1.10.

Il-KESE jitlob il-ġestjoni tal-mobilità u l-migrazzjoni permezz tal-promozzjoni tas-solidarjetà tal-Istati Membri, bħala parti mill-approċċ globali tal-UE. Is-sħubijiet mal-pajjiżi tal-PEV u pajjiżi oħra huma għodod importanti sabiex jindirizzaw l-isfidi sostanzjali li tiffaċċja din il-politika. L-UE għandha taġixxi malajr u b’mod koordinat biex issolvi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Mediterran.

1.11.

Il-KESE jenfasizza li l-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-viżi għadha inizjattiva ewlenija mill-perspettiva tal-imsieħba tal-PEV. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon in-negozjati dwar ftehim ta’ riammissjoni mal-Marokk u t-tnedija ta’ negozjati dwar ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viżi. Jistenna bil-ħerqa n-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u l-ftehimiet ta’ riammissjoni mat-Tuneżija u l-Ġordan. Il-liberalizzazzjoni tal-viżi (mal-Moldova) u l-ftehimiet għall-faċilitazzjoni tal-viżi, (mal-Ukrajna, l-Armenja, l-Azerbajġan, u l-Georgia) għandhom jiġu implimentati bis-sħiħ u għandhom ikunu eżempji ta’ suċċess għall-pajjiżi kollha tal-PEV.

1.12.

Il-KESE jissuġġerixxi li jkompli jissaħħaħ ir-rwol tas- soċjetà ċivili fi tliet aspetti ewlenin: permezz tar-responsabbilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, sabiex tkun tista’ tappoġġja aktar il-proċessi ta’ stabbilizzazzjoni u demokratizzazzjoni; permezz ta’ inklużjoni akbar tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’impenji u attivitajiet relatati mal-PEV; u finalment, billi jsir użu aħjar tal-għarfien espert u r-riżorsi tas-soċjetà ċivili Ewropea biex jappoġġjaw l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal- PEV.

1.13.

Il-Kumitat jitlob il-konformità mad-drittijiet soċjali u d-drittijiet tal-bniedem fundamentali – b’mod partikolari biex jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ il-libertà tal-assoċjazzjoni u d-dritt ta’ negozjar kollettiv. Id-djalogu soċjali għandu jiġi inkoraġġit kemm fid-dimensjoni tal-Lvant kif ukoll f’dik tan-Nofsinhar tal-PEV. Il-KESE jitlob ir-rispett tal-indipendenza tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.14.

Il-KESE jenfasizza li huwa importanti li jitħeġġu l-istituzzjonijiet kulturali (kif ukoll ekonomiċi u politiċi) għad-djalogu u l-bini ta’ kunsens. Fil-fehma tal-KESE, l-istabbilizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi tal-PEV jiddependu mill-vijabbiltà ta’ mudelli kulturali u reliġjużi, li għandhom ikunu tolleranti u inklużivi.

1.15.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-UE tibgħat sinjal ċar liċ-ċittadini tal-PEV biex turi li l-politika hija maħsuba għall-persuni, is-sigurtà u l-benesseri tagħhom. Is-sjieda konġunta fil-livell tas-soċjetà ċivili għandha ssir prijorità fi ħdan l-UE kollha. Ir-rieżami tal-PEV għandu jkun stimolu għal komunikazzjoni aħjar dwar l-interessi u l-valuri tal-UE kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fil-pajjiżi msieħba.

2.   L-isfidi għall-PEV

2.1.

L-UE għandha bżonn ġirien li jikkooperaw biex tħossha sigura u prospera. Il-PEV kellha l-għan ambizzjuż li tinkoraġġixxi lill-pajjiżi ġirien jimplimentaw riformi politiċi u ekonomiċi, bħala skambju tal-għoti ta’ aċċess għas-swieq tal-UE, mobilità akbar u appoġġ finanzjarju. Sfidi akbar tas-sigurtà u skossi ġeopolitiċi fil-viċinat tal-UE enfasizzaw dejjem aktar l-importanza ta’ żona tal-viċinat li tkun stabbli, demokratika u prospera.

2.2.

Il-bidliet drammatiċi fil-viċinat tal-UE jippreżentaw ukoll theddida għall-pajjiżi tal-UE. L-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant ipprovokat il-politika aggressiva tar-Russja mhux biss fil-konfront tal-ġirien tal-UE, iżda wkoll lejn Stati Membri tal-UE – b’mod partikolari, il-pajjiżi Ewropej Nordiċi u dawk tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Il-kunflitti vjolenti fis-Sirja, l-Iraq u l-Libja wasslu għal kriżi umanitarja u riskji ta’ terroriżmu li jistgħu jinfirxu ġewwa l-UE.

2.3.

L-UE għandha tirrikonoxxi r-rwol u l-influwenza tagħha fuq il-pajjiżi tal-PEV u l-ġirien tagħhom – li kkontribwixxew għal taqlib politiku u soċjali u qanqlu l-interessi ta’ ċerti partijiet interessati lil hinn mill-fruntieri tal-pajjiżi tal-PEV. Ir-Rebbiegħa Għarbija u l-konsegwenzi tagħha, u l-kriżi tal-Ukrajna għandhom jitqiesu bħala prova tal-impatt sinifkanti tal-UE fuq il-proċessi soċjali u politiċi. L-UE kkontribwixxiet għas-sensibilizzazzjoni tal-persuni u żiedet l-aspirazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-gvernijiet tagħhom; l-UE, għall-inqas parzjalment, ħeġġet lis-setgħat ċivili biex iniedu attivitajiet politiċi.

2.4.

Fl-istess ħin, il-Politika Ewropea tal-Viċinat kellha xi diżappunti, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi tal-PEV. Għalhekk, jinħtieġu bidliet fundamentali għar-rieżami tal-PEV u l-istrumenti tagħha, li għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tad-divrenzjar u tal-flessibilità. L-ambitu ġeografiku tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-PEV għandu jinżamm, iżda l-politiki dwar ir-relazzjonijiet għandhom jiġu żviluppati u mtejba. Il-PEV għandha tinkoraġġixxi l-pajjiżi kollha tal-viċinat biex isiru msieħba ġenwini għad-djalogu u l-kooperazzjoni.

3.   Pilastri prinċipali tal-PEV ġdida

3.1.    Ekonomija u prosperità

3.1.1.

Il-KESE jinnota li t-titjib tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tal-UE u tal-PEV ser jiddependi minn erba’ fatturi: l-istabbiltà, it-trasparenza, ir-regoli tas-suq liberu u strateġija fit-tul. Il-PEV riveduta għandha tiffoka fuq il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għal żviluppi ekonomiċi u soċjali sostenibbli fil-pajjiżi tal-PEV. Impjieg aħjar u ekonomija li tiffunzjona b’mod miftuħ joħolqu valur miżjud kbir għas-soċjetà inġenerali, u b’hekk jipprovdu bażi għall-istabbiltà, is-sigurtà u anke d-demokratizzazzjoni. L-UE għandha tiffoka aktar fuq strumenti ffinanzjati aħjar li jkunu ta’ appoġġ: għall-aġġustamenti ekonomiċi li jkun bżonn biex isaħħu l-kompetittività, għal inizjattivi favur investiment sostenibbli fin-negozju, u għall-aġġustamenti għall-produzzjoni ekonomika maħsuba biex jiġġeneraw aktar impjiegi ta’ kwalità. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-responsabbilizzazzjoni ekonomika taż-żgħażagħ, in-nisa u l-gruppi emarġinati. L-inizjattivi favur it-tkabbir ekonomiku u l-impjieg għandhom jirċievu finanzjament adatt u jiġu akkumpanjati minn programmi mfassla apposta. L-implimentazzjoni ta’ programmi bħal dawn tista’ ssegwi l-prattiki tajba mill-programm “Inizjattiva għall-Koeżjoni Soċjali” b’rabta mal-“Patt ta’ Stabbiltà għall-Ewropa tax-Xlokk” (1).

3.1.2.

L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali se jkunu l-aħjar investiment fit-tul favur it-tkabbir ekonomiku u s-sigurtà sostenibbli. L-UE għandha tikkunsidra l-opportunitajiet biex testendi l-programmi Erasmus + sabiex il-pajjiżi tal-PEV ikunu jistgħu jipparteċipaw aktar. Dawn il-programmi jipprovdu l-aħjar mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-ħiliet akkademiċi u professjonali tal-UE mal-aktar imsieħba avvanzati tal-PEV. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-ewwel sejħa internazzjonali tal-programm Erasmus+ imnedija f’Ottubru 2014 u jħeġġeġ lill-UE testendi l-opportunitajiet għall-pajjiżi tal-PEV biex jipparteċipaw, minbarra li żżid il-finanzjament għal strumenti oħra ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali.

3.1.3.

L-UE għandha tħabrek biex tikkompleta żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-pajjiżi kollha tal-PEV. Din tista’ titqies bħala strument kritiku għat-tisħiħ tal-prosperità ekonomika u soċjali dejjiema. L-UE għandha tfittex li tintegra l-imsieħba tal-PEV fis-suq uniku tal-UE b’mod aktar attiv; partikolarment billi tistabbilixxi DCFTAs hekk kif jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa. Il-pajjiżi tal-PEV, li jagħtu prijorità lil integrazzjoni aktar profonda, jistgħu jiffokaw fuq il-proċess tal-iffirmar tal-AA/DCFTA, filwaqt li oħrajn jistgħu jimpenjaw ruħhom fi pjattaformi ta’ kooperazzjoni alternattiva (bħalma huma l-unjoni Ewropea tal-enerġija, eċċ.). Madankollu, l-AA/DCFTAs ma għandhomx jitqiesu bħala għan fihom infushom, jew bħala l-unika triq disponibbli. Il-valur tagħhom għandu jiġi vvalutat mil-lat tal-impatt pożittiv fuq l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, l-innovazzjoni, l-impjieg stabbli u t-titjib fil-kapaċità fiskali fil-pajjiżi tal-PEV.

3.1.4.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir it-tnedija tal-faċilità tad-DCFTA tal-UE għall-SMEs, li hija mfassla biex tappoġġja lill-SMEs mill-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, billi tgħinhom jaħtfu opportunitajiet ta’ kummerċ ġodda li jirriżultaw minn DCFTAs u jilħqu standards ogħla ta’ kwalità konformi mal-aħjar prattiki tal-UE. It-3 Forum tan-Negozju tas-Sħubija tal-Lvant (Riga, 21 ta’ Mejju 2015) enfasizza li sabiex l-AA/DCFTAs jkunu ta’ benefiċċju sostanzjali, għandhom jiġu pprovduti strumenti addizzjonali biex jgħinu lill-intrapriżi jittrasformaw u jadattaw ruħhom għal standards ogħla. Dan issuġġerixxa wkoll li l-attivitajiet intraprenditorjali u l-kummerċ għandhom jiġu promossi aħjar fir-reġjun.

3.1.5.

Waħda mill-attivitajiet l-aktar viżibbli tal-PEV il-ġdida għandha tkun l-appoġġ għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja, is-settur tas-sigurtà, ir-regolazzjoni legali u l-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni. Xejriet pożittivi, bħalma huma ż-żieda fl-investiment fil-pajjiżi tal-PEV u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn in-negozji tal-UE u tal-PEV, jistgħu jiġu ġġenerati biss billi jintlaħaq progress ċar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-viċinat tal-UE. Il-pajjiżi kollha ġirien tal-UE qed iħabbtu wiċċhom ma’ korruzzjoni mifruxa. Minkejja l-isforzi biex titrażżan, il-koruzzjoni tippersisti u tolqot il-livelli kollha tal-ħajja pubblika u privata. Għalhekk, bħala parti mill-programmi ta’ finanzjament tagħha, l-UE għandha ttejjeb il-kondizzjonalità għal miżuri kredibbli kontra l-korruzzjoni u tiżviluppa mekkaniżmu robust għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni. Għandha tingħata l-istess attenzjoni għat-tisħiħ tal-effettività, il-vijabilità u l-aċċessibbiltà tas-servizzi soċjali, edukattivi u tas-saħħa fil-pajjiżi tal-PEV, peress li dawn huma ta’ importanza kruċjali għall-kwalità tal-ħajja u s-sigurtà tal-persuni li jgħixu f’dawn il-pajjiżi.

3.2.    Stabbiltà u sigurtà

3.2.1.

L-istabbiltà u s-sigurtà tal-bniedem għandhom isiru l-aktar għan kruċjali tal-PEV. Il-KESE jemmen li viċinat prosperu u sigur jista’ jiġi stabbilit biss jekk tiżdied b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-bniedem fir-reġjun. Il-kwalità tal-governanza u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, in-nuqqas ta’ kriminalità u periklu fiżiku, l-iżvilupp ekonomiku inklużiv u l-protezzjoni soċjali u ambjentali huma lkoll fatturi li jiddeterminaw l-istabbiltà tar-reġjun fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. L-instabbiltà fil-viċinat tal-UE u n-nuqqas ta’ kredibbiltà li jbatu minnha l-PEV u l-istrumenti tagħha ma għandhomx iwasslu għal tnaqqis fl-ambizzjoni jew ir-rifjut tal-impenji tal-UE. Il-programmi u l-istrumenti għall-istabbiltà u l-prevenzjoni tal-kunflitti għandhom ikunu fost l-ogħla prijoritajiet tal-PEV il-ġdida.

3.2.2.

L-UE għandha taħdem aktar mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, bħan-NATO u n-NU, biex tiddefendi s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-pajjiżi kollha tal-PEV. Huma meħtieġa diplomazija u komunikazzjoni aħjar barra ż-żona tal-PEV (speċjalment mas-soċjetà ċivili) bħala strument għall-prevenzjoni tal-konfrontazzjoni u sabiex jinħolqu relazzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku li jwasslu għall-progress ekonomiku u standards aħjar tal-għajxien.

3.2.3.

Il-PEV għandha rwol fundamentali x’taqdi fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Minbarra li tieħu miżuri neċessarji u proporzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-UE għandha tuża l-istrumenti eżistenti tal-PEV biex tindirizza l-fatturi strutturali tat-tixrid tat-terroriżmu. Jinħtieġu investiment fl-edukazzjoni u opportunitajiet ekonomiċi, flimkien ma’ miżuri biex itejbu l-governanza (2).

3.2.4.

Il-PEV il-ġdida għandha tirreferi għall-armonizzazzjoni tas-“setgħat legali” u “s-setgħat ta’ persważjoni”. Il-PEV ma għandhiex tiġi separata mill-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni. Ir-rieżami attwali tal-PEV għandu jkun marbut mill-qrib mal-Istrateġija riveduta tal-UE għas-Sigurtà.

3.2.5.

Il-kwistjoni ta’ “ġirien tal-ġirien” hija importanti ferm. Ħadd ma jista’ jimponi r-rieda tiegħu fuq stati indipendenti u lanqas jiddetta l-aġenda jew l-għanijiet tal-UE u tal-pajjiżi tal-PEV. Il-KESE jenfasizza li jkun ta’ benefiċċju akbar għar-Russja jekk tinvolvi ruħha fi sforzi biex toħloq pajjiżi stabbli, demokratiċi u ekonomikament avvanzati, pjuttost milli tikkonfronta l-pajjiżi tal-PEV li qed ifittxu integrazzjoni akbar mal-UE.

3.3.

Mobilità u migrazzjoni

3.3.1.

Il-faċilitazzjoni tal-viżi għadha inizjattiva ewlenija mill-perspettiva tal-imsieħba tal-PEV. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon in-negozjati dwar ftehim ta’ riammissjoni mal-Marokk (li tnieda f’Jannar 2015) u l-bidu ta’ negozjati dwar ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viżi. Jistenna bil-ħerqa n-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u l-ftehimiet ta’ riammissjoni mat-Tuneżija u l-Ġordan. Il-liberalizzazzjoni tal-viżi (mal-Moldova) u l-ftehimiet għall-faċilitazzjoni tal-viżi, (mal-Ukrajna, l-Armenja, l-Azerbajġan, u l-Georgia) għandhom jiġu implimentati bis-sħiħ u għandhom ikunu eżempji ta’ suċċess għall-pajjiżi kollha tal-PEV. Il-KESE jqis il-ftehimiet ta’ liberalizzazzjoni tal-viżi mal-Ukrajna u l-Georgia bħala għodda b’saħħitha, li tħeġġeġ lil dawk l-istati biex jintegraw mal-UE aktar malajr. Madankollu, għandu jkun hemm iktar appoġġ internazzjonali għall-implimentazzjoni tagħhom, sabiex jiġu żgurati l-integrità territorjali u l-kontroll fuq il-fruntieri tal-pajjiżi.

3.3.2.

Il-politika Ewropea tal-viċinat għandha tkun parti mill-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità. Huwa importanti li l-UE tħeġġeġ l-immigrazzjoni għall-finijiet ta’ impjieg jew edukazzjoni permezz ta’ proċeduri legali, flessibbli u trasparenti (3).

3.3.3.

B’rispons għall-avvenimenti reċenti li wasslu għal żieda f’daqqa fil-flussi migratorji mill-Afrika ta’ Fuq – liema flussi sfortunatament wasslu għal għadd sinifikanti ta’ mwiet – l-UE għandha mill-aktar fis tgħaddi għall-protezzjoni ta’ ħajjiet dawk li jkun beħsiebhom jaslu fit-territorju tal-UE. L-UE għandha timpenja ruħha favur involviment aktar serju u estiż mal-pajjiżi involuti f’dawn il-flussi migratorji – il-pajjiżi ta’ oriġini u dawk ta’ tranżitu.

3.3.4.

L-UE għandha tikkonkludi ftehimiet mal-pajjiżi terzi, l-iżjed mal-pajjiżi ġirien, il-pajjiżi ta’ oriġini tal-immigranti u l-pajjiżi ta’ tranżitu, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull pajjiż. Il-prijoritajiet stabbiliti f’dawn l-isħubijiet ta’ mobilità jinkorporaw fatturi marbutin mal-migrazzjoni ekonomika u l-mobilità. Għandha tingħata prijorità akbar għall-organizzazzjoni tal-migrazzjoni legali u l-politika tal-viżi, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, il-mobilità edukattiva, id-drittijiet tas-sigurtà soċjali, u l-kontribut tal-migrazzjoni u l-mobilità għall-iżvilupp (4). Fost il-prijoritajiet ewlenin insibu r-riforma tal-Frontex biex tinbidel f’korp Ewropew ta’ gwardji tal-fruntieri li jappoġġja lill-Istati Membri, u biex tiġi żviluppata sistema aktar effettiva u standardizzata ta’ responsabbiltà għall-attivitajiet tagħha (5).

3.4.

Divrenzjar

3.4.1.

Il-PEV għandha titfassal mill-ġdid sabiex tapplika l-prinċipju tad-divrenzjar b’mod aktar flessibbli, kemm mil-lat ta’ ġeografija u – fi ħdan ir-reġjuni –skont il-livell tal-aspirazzjonijiet tal-pajjiżi tal-PEV, il-libertajiet ċivili u d-drittijiet, u l-ħtiġiet ta’ kapaċità istituzzjonali u ta’ sigurtà. Filwaqt li jappoġġjaw il-prinċipju tad-divrenzjar, il-pajjiżi msieħba kollha għandhom jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt. L-aċċettazzjoni tal-valuri demokratiċi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu applikabbli għall-istati kollha bl-istess mod, minħabba li l-applikazzjoni ta’ standards doppji tiddemoralizza pajjiżi oħra tal-PEV.

3.4.2.

L-UE tibqa’ interessata fil-prinċipju tal-kundizzjonalità u timpenja ruħha favurih. Il-KESE enfasizza l-prinċipju tad-divrenzjar u tal-kundizzjonalità fir-relazzjonijiet tiegħu mal-pajjiżi msieħba (6). Fl-istess ħin, il-Kumitat wera x-xewqa li jiġi żgurat li l-approċċ ta’ “inqas għal inqas” ma jdgħajjifx il-potenzjal ta’ pajjiż biex jimplimenta riformi skont il-pass li jagħżel u l-kapaċità ta’ assorbiment tiegħu. Meta l-gvernijiet nazzjonali fil-pajjiżi tal-PEV joqogħdu lura minn involviment eqreb mal-istrumenti tal-PEV, “is-setgħa ta’ persważjoni” tal-UE għandha tkun diretta lejn is-soċjetà ċivili.

3.4.3.

Il-PEV hija distinta mill-Politika tat-Tkabbir; madankollu, l-istati Ewropej huma ħielsa li japplikaw għas-sħubija fl-UE jekk jissodisfaw il-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Jekk l-PEV tkun ta’ ispirazzjoni għal pajjiż Ewropew biex jikkonforma mal-kriterji ta’ Copenhagen, għandna nilqgħu bi pjaċir dan ir-riżultat – milħuq permezz tal-approċċ ta’ “aktar għal aktar”.

4.   Enfasi fuq is-soċjetà ċivili u l-komunikazzjoni

4.1.    Is-soċjetà ċivili

4.1.1.

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp tal-PEV għandu jiġi evalwat mill-ġdid u jkompli jittejjeb. Il-Kumitat irrefera għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili, l-istat tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll il-protezzjoni tal-libertà reliġjuża bħala kriterji essenzjali fil-valutazzjoni tal-governanza ta’ pajjiż partikolari (7). Is-sjieda konġunta fil-livell tas-soċjetà ċivili għandha ssir prijorità fi ħdan l-UE kollha. Għandhom jissaħħew u jiġu estiżi strumenti ta’ kooperazzjoni bħall-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant.

4.1.2.

Ir-riforma għandha ssegwi tliet direzzjonijiet ewlenin, jiġifieri: ir-responsabbilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, sabiex tkun tista’ tappoġġja aktar il-proċessi ta’ stabbilizzazzjoni u demokratizzazzjoni; l-inklużjoni akbar tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’impenji u attivitajiet relatati mal-PEV, u finalment l-użu aħjar tal-għarfien espert u r-riżorsi tas-soċjetà ċivili Ewropea biex jappoġġjaw l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-PEV.

4.1.3.

Kif muri waqt it-tranżizzjoni lejn id-demokrazija fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, is-soċjetà ċivili hija attur ewlieni fil-proċess biex jinħolqu stabbiltà u demokratizzazzjoni. Fl-użu tal-istrumenti tagħha, il-PEV għandha talloka riżorsi sostanzjali biex issaħħaħ il-kapaċità organizzattiva tas-soċjetà ċivili u tinkludiha fil-proċessi governattivi (8). Fattur ewlieni f’dan il-proċess huwa l-appoġġ għad-djalogu soċjali u l-konsultazzjoni pubblika istituzzjonalizzata peress li huma strumenti ta’ bini ta’ kunsens u progress demokratiku (9).

4.1.4.

Fil-ftehimiet bilaterali, l-UE għandha tinkludi klawżoli dwar il-protezzjoni tal-libertajiet demokratiċi u d-drittijiet individwali, iżda b’mod kruċjali, fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom, il-KESE jitlob li fil-kriterji għall-valutazzjoni tal-governanza ta’ pajjiż jiġu inklużi punti ta’ riferiment dwar it-trattament tas-soċjetà ċivili (qafas leġislattiv, bini tal-kapaċità, djalogu, eċċ.), u dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali (10).

4.1.5.

Il-KESE jitlob li s-soċjetà ċivili tkun involuta aktar mill-qrib fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ ftehimiet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-PEV (11). Ir-rapportar dwar il-progress tal-PEV ma għandux jirrifletti biss data u pożizzjonijiet uffiċjali tal-gvern iżda għandu jikkunsidra firxa usa’ ta’ kontributi minn atturi governattivi u mhux governattivi. Il-KESE jemmen li s-soċjetà ċivili tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi msieħba għandha tkun involuta fit-tfassil ta’ Valutazzjoni tal-Impatt tas-Sostenibbiltà qabel in-negozjati, u li għandhom jiġu inklużi mekkaniżmi tas-soċjetà ċivili f’DCFTAs futuri (12).

4.1.6.

L-istrumenti tal-PEV għandhom ikunu aċċessibbli faċilment għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri u l-Istati tal-PEV. Huma għandhom jinkoraġġixxu d-djalogu, l-impenn u l-iskambju ta’ ideat. Il-KESE jenfasizza li l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-kunsilli ekonomiċi u soċjali Ewropej tal-Istati Membri għandhom rwol essenzjali x’jaqdu fir-rigward tal-iskambju tal-esperjenzi u l-għarfien, it-tixrid tal-informazzjoni, il-valutazzjoni komparattiva, it-trasferiment tal-għarfien espert, u l-ġestjoni tar-riżorsi amministrattivi (13).

4.2.    Id-djalogu soċjali

4.2.1.

Il-KESE konsistentement saħaq dwar l-importanza tad-djalogu soċjali għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u d-demokratizzazzjoni. Huwa enfasizza wkoll is-suċċess ġenerali tal-PEV (14). Id-djalogu soċjali għandu jitħeġġeġ bl-istess mod kemm fid-dimensjoni tal-Lvant kif ukoll f’dik tan-Nofsinhar tal-PEV. Il-KESE jitlob ir-rispett tal-indipendenza tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dan huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali soċjali u tal-bniedem definiti mill-organizzazzjonijiet internazzjonali u dawk Ewropej (15).

4.2.2.

Il-Kumitat jitlob l-aderenza ma’ dawn id-drittijiet fundamentali – b’mod partikolari biex jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ il-libertà tal-assoċjazzjoni u d-dritt ta’ negozjar kollettiv. Il-KESE jitlob lill-pajjiżi kkonċernati li jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jagħmlu progress fl-integrazzjoni tar-regoli Ewropej u internazzjonali, kif inhuma definiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-Karta Soċjali Ewropea (Kunsill tal-Ewropa) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, kif ukoll biex jistabbilixxu “l-istat tad-dritt soċjali”. Ir-rispett ta’ dawn ir-regoli għandu jiġi inkluż fil-kriterji formali li jintużaw fit-tfassil u l-evalwazzjoni tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni (16).

4.2.3.

Minkejja l-fatt li l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema jeżistu fil-pajjiżi kollha tal-PEV, id-djalogu soċjali – li għandu jaqdi rwol importanti għall-kisba tat-tkabbir sostenibbli u l-paċi soċjali fi ħdan is-soċjetajiet – s’issa għadu pjuttost dgħajjef f’dawn il-pajjiżi. Għandu jiġi żviluppat programm sistematiku, bil-għan li jippromovi l-iskambji tal-aħjar prattiki minn esperjenzi fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, fl-UE u l-pajjiżi msieħba.

4.3.    Djalogu kulturali

4.3.1.

Il-PEV għandha tinkoraġġixxi fehim akbar – kemm fost il-pajjiżi tal-PEV kif ukoll bejn l-UE u l-pajjiżi tal-PEV – tal-kulturi, id-djalogu reliġjuż u d-diversità kulturali reċiproċi. Fuq perjodu twil ta’ żmien, l-istabbilizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi tal-PEV jiddependu wkoll mill-vijabbiltà ta’ mudelli kulturali u reliġjużi, u minn kemm dawn ikunu tolleranti u inklużivi.

4.3.2.

Huwa importanti li jitħeġġeġ djalogu u bini ta’ kunsens kulturali, politku u ekonomiku. Dan għandu jissarraf f’appoġġ finanzjarju u appoġġ għan-netwerking effettiv u sostanzjali favur djalogu interkulturali, produzzjonijiet kulturali indipendenti u dibattiti pubbliċi. Dan għandu jsaħħaħ il-vuċi u l-viżibbiltà ta’ ħassieba, artisti u attivisti indipendenti mill-pajjiżi tal-PEV u jippromovi l-interazzjonijiet produttivi tagħhom ma’ udjenzi domestiċi u Ewropej.

4.4.    Viżibbiltà u komunikazzjoni

4.4.1.

Ir-rieżami tal-PEV għandu jkun stimolu għat-titjib fil-komunikazzjoni dwar l-interessi u l-valuri tal-UE, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fil-pajjiżi msieħba. Dan isir aktar importanti fid-dawl tal-mewġa ta’ propoganda minn gruppi terroristi u mir-Russja li qed tikber (17). L-UE hija obbligata tibgħat sinjal ċar liċ-ċittadini tal-PEV li din il-politika tirrigwarda l-persuni u s-sigurtà u l-benesseri tagħhom. Dan jeħtieġ il-ħolqien ta’ strumenti ġodda li jistgħu jilħqu lill-awtoritajiet lokali, il-midja u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

4.4.2.

L-għarfien ġenerali huwa essenzjali għall-valutazzjoni u l-apprezzament tal-influwenza tal-PEV fuq il-bżonnijiet tal-persuni. Il-libertà tal-espressjoni, it-twemmin, il-midja, u s-sigurtà tal-informazzjoni fil-viċinat tal-UE huma ta’ importanza kruċjali. L-appoġġ għall-aċċess tal-persuni għall-Internet, il-midja ħielsa u indipendenti, il-ġurnaliżmu investigattiv, l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni tal-midja (il-ġemellaġġi tal-midja) bejn l-UE u l-pajjiżi tal-PEV għandu jsiru wieħed mill-iktar għanijiet importanti li jsaħħu r-reżiljenza tas-soċjetà kontra l-propoganda aggressiva.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Id-djalogu soċjali fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant” (ĠU C 161, 6.6.2013, p. 40).

(2)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 91.

(3)  ĠU C 458, 19.12.2014, p. 7.

(4)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 1.

(5)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 3.

(6)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 89.

(7)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 6.

(8)  Ara wkoll ĠU C 351, 15.11.2012, p. 27.

(9)  Ara wkoll ĠU C 248, 25.8.2011, p. 37.

(10)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 32.

(11)  Ara wkoll ĠU C 299, 4.10.2012, p. 34ĠU C 12, 15.1.2015, p. 48.

(12)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 9.

(13)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 10.

(14)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fis-Sħubija tal-Lvant” (2010, Ivan Voleš), ĠU C 277, 17.11.2009 p. 30. (2010, Ivan Voleš); REX/354; ĠU C 248, 25.8.2011, p. 37.

(15)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

(16)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

(17)  Ara: r-Rapport tal-KESE/432 dwar “L-użu tal-midja bħala influwenza fuq il-proċessi soċjali u politiċi fl-UE u l-pajjiżi tal-viċinat tal-Lvant”, (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/99


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/621/KEE dwar l-iffissar tal-livell massimu ta’ aċidu erukiku fiż-żjut u x-xaħmijiet u r-Regolament (KE) Nru 320/2006 li jistabilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor”

[COM(2015) 174 final – 2015/0090 COD]

(2015/C 383/14)

Nhar is-27 ta’ April 2015 u l-11 ta’ Mejju 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/621/KEE dwar l-iffissar tal-livell massimu ta’ aċidu erukiku fiż-żjut u x-xaħmijiet u r-Regolament (KE) Nru 320/2006 li jistabilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor”

[COM(2015) 174 final – 2015/0090 COD].

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu tal-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tal-1 ta’ Lulju), li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2015

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/100


OPINJONI tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009

(COM(2015) 180 final – 2015/0096 COD)

(2015/C 383/15)

Nhar it-30 ta’ April 2015 u s-7 ta’ Mejju 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009

[COM(2015) 180 final – 2015/0096 COD].

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu tal-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tal-1 ta’ Lulju), li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE