ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 323

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 58
1 ta' Ottubru 2015


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 323/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7733 — Tokio Marine/HCC) ( 1 )

1

2015/C 323/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7735 — Fosun/BHF-KB) ( 1 )

1

2015/C 323/03

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7712 — KSPG/Hasco/Cosmo/JV) ( 1 )

2


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 323/04

Rata tal-kambju tal-euro

3

 

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea

2015/C 323/05

Kriterji ta’ assenjazzjoni tal-kawżi lill-Awli

4


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 323/06

Avviż lill-operaturi ekonomiċi — Rawnd ġdid ta’ talbiet għas-sospensjoni tad-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti prodotti industrijali u agrikoli

5

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 323/07

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.7788 — Ardian/Electricité de France/Géosel) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

6

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 323/08

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskemi ta' kwalità għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

7

2015/C 323/09

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

11


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

1.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 323/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7733 — Tokio Marine/HCC)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2015/C 323/01)

Fid-9 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32015M7733. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


1.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 323/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7735 — Fosun/BHF-KB)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2015/C 323/02)

Fil-15 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32015M7735. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


1.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 323/2


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7712 — KSPG/Hasco/Cosmo/JV)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2015/C 323/03)

Fil-25 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32015M7712. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

1.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 323/3


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-30 ta’ Settembru 2015

(2015/C 323/04)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1203

JPY

Yen Ġappuniż

134,69

DKK

Krona Daniża

7,4598

GBP

Lira Sterlina

0,73850

SEK

Krona Żvediża

9,4083

CHF

Frank Żvizzeru

1,0915

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,5245

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,187

HUF

Forint Ungeriż

313,45

PLN

Zloty Pollakk

4,2448

RON

Leu Rumen

4,4176

TRY

Lira Turka

3,3903

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5939

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5034

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,6824

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7568

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5921

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 328,27

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

15,4984

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,1206

HRK

Kuna Kroata

7,6445

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 347,81

MYR

Ringgit Malażjan

4,9237

PHP

Peso Filippin

52,347

RUB

Rouble Russu

73,2416

THB

Baht Tajlandiż

40,712

BRL

Real Brażiljan

4,4808

MXN

Peso Messikan

18,9768

INR

Rupi Indjan

73,4805


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea

1.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 323/4


Kriterji ta’ assenjazzjoni tal-kawżi lill-Awli

(2015/C 323/05)

Fil-11 ta’ Settembru 2015, skont l-Artikolu 4 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u skont l-Artikolu 13(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li jassenja, mill-preżentata tar-rikors, il-kawżi alternattivament lill-Ewwel Awla, lit-Tieni Awla u lit-Tielet Awla skont l-ordni li fihom ġew irreġistrati fir-Reġistru, bla ħsara għar-riassenjazzjonijiet lis-Seduta plenarja jew lill-Imħallef uniku.

Il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jidderoga mir-regoli ta’ assenjazzjoni għal raġunijiet ta’ konnessjoni, kif ukoll sabiex jiġi żgurat xogħol ibbilanċjat u koerenti fi ħdan it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Għall-istess raġunijiet, il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi li jassenja l-kawżi mill-ġdid fil-mori tal-kawża, wara li jikkonsulta mal-Imħallfin ikkonċernati u qabel il-preżentazzjoni tar-rapport preliminari previst fl-Artikolu 58 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

1.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 323/5


Avviż lill-operaturi ekonomiċi — Rawnd ġdid ta’ talbiet għas-sospensjoni tad-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti prodotti industrijali u agrikoli

(2015/C 323/06)

L-operaturi ekonomiċi huma infurmati li l-Kummissjoni rċeviet talbiet skont l-arranġamenti amministrattivi previsti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward is-sospensjonijiet u l-kwoti tariffarji awtonomi (2011/C 363/02) (1) għar-rawnd ta’ Lulju tal-2016.

Il-lista tal-prodotti li għalihom qed tintalab sospensjoni tat-tariffa issa hija disponibbli fuq il-websajt tematika dwar l-unjoni doganali tal-Kummissjoni (Europa) (2).

L-operaturi ekonomiċi huma infurmati wkoll li l-iskadenza għall-oġġezzjonijiet kontra t-talbiet ġodda għandhom jaslu għand il-Kummissjoni, permezz tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, hija l-11 ta’ Diċembru 2015, li hija d-data tat-tieni laqgħa skedata tal-Grupp dwar il-Kwistjonijiet ta’ Ekonomija Tariffarja

Dawk l-operaturi interessati huma avżati biex jikkonsultaw il-lista b’mod regolari sabiex ikollhom informazzjoni dwar kif tkun is-sitwazzjoni fejn jidħlu t-talbiet.

Aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta’ sospensjonijiet tat-tariffi awtonomi tinstab fuq il-websajt Europa:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/customs/customs_duties/tariff_aspects/suspensions/index_en.htm


(1)  ĠU C 363, 13.12.2011, p. 6.

(2)  http://ec.europa.eu/taxation_customs/dds2/susp/susp_home.jsp?Lang=en


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

1.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 323/6


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.7788 — Ardian/Electricité de France/Géosel)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2015/C 323/07)

1.

Fit-22 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriżi Ardian France SAS (“Ardian”, Franza) u Electricité de France SA (“EDF”, Franza) jakkwistaw indirettament fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt tal-impriża Géosel Manosque SAS (“Géosel”, Franza), permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal Ardian: il-provvista globali ta’ ekwità privata u attivitajiet ta’ ġestjoni tal-assi fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-kura tas-saħħa, l-infrastruttura, l-enerġija, oġġetti tal-konsum u s-setturi tat-teknoloġiji l-ġodda.

—   għal EDF: il-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriċità, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista bl-imnut tal-elettriċità, il-forniment ta’ servizzi oħra relatati mal-elettriċità kif ukoll il-bejgħ bl-ingrossa u l-bejgħ bl-imnut ta’ gass naturali.

—   għal Géosel: il-ħżin taħt l-art u t-trasport tal-idrokarburi fi Franza.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-e-Mail lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta’ referenza M.7788 — Ardian/Electricité de France/Géosel, f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

1.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 323/7


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskemi ta' kwalità għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

(2015/C 323/08)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta' oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“DALMATINSKI PRŠUT”

Nru tal-UE: HR-PGI-0005-01205-3.3.2014

DPO ( ) IĠP ( X )

1.   L-isem

“Dalmatinski pršut”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Kroazja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta' prodott

Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajrin, immellħin, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

Id-“Dalmatinski pršut” huwa prodott tal-laħam ippreservat u mnixxef magħmul minn riġel il-ħanżir, bl-għadam, bil-ġilda u x-xaħam ta' taħt il-ġilda.

Id-“Dalmatinski pršut” ma fiha ebda addittiv (nitriti jew nitrati, sorbat tal-potassju, aċidu assorbiku jew aċidu propanoiku), ħlief melħ tal-baħar.

Id-“Dalmatinski pršut” għandu dawn il-karatteristiċi organolettiċi:

a)   dehra minn barra: bla xquq, qatgħat jew tessut tal-muskolu jew qoxra jperpru laxki, u mingħajr tikmix li jidher tal-ġilda;

b)   qatgħa trażversali: ix-xaħam ta' taħt il-ġilda huwa abjad jagħti fir-roża filwaqt li l-laħam tal-muskolu huwa aħmar b'mod uniformi li jagħti fiċ-ċar;

c)   aroma: aroma ta’ laħam tal-majjal iffermentat, immellaħ, imnixxef u affumikat, mingħajr irwejjaħ barranin (ta’ qatran, żejt, laħam nej, ħaxix niexef jew imxarrab); l-aroma tad-duħħan hija ħafifa;

d)   togħma: minn kemxejn mielħa sa mielħa;

e)   konsistenza: ratba.

Id-“Dalmatinski pršut” għandu dawn il-karatteristiċi kimiċi:

a)

kontenut ta’ umdità bejn 40 % u 55 %;

b)

kontenut ta' ilma attiv (aw) ta’ inqas minn 0,93;

c)

kontenut ta' melħ (NaCl) bejn 4,5 % u 7,5 %.

Meta jitqiegħed fis-suq, id-“Dalmatinski pršut” għandu piż minimu ta’ 6,5 kg, u jkun diġà immaturat għal mill-anqas 12-il xahar li jibdew mill-bidu tal-ipproċessar.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Id-“Dalmatinski pršut” isir mir-riġlejn tal-majjal frisk, bl-għadam, miksuba minn ħnieżer li ġejjin minn razez ta' laħam kummerċjali, mill-inkroċjar ta' razez jew mil-linji ta’ tgħammir, jew inkroċjar ta' razez ta’ kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom.

Il-piż minimu ta' riġel imnaddaf huwa ta’ 11 kg.

Kwalità tal-laħam: Riġla friska m’għandhiex turi sinjali viżibbli ta’ trawma. Il-laħam huwa roża fl-aħmar, bi struttura soda u mingħajr ilma tal-wiċċ (RFN).

Laħam bajdani, artab u li jnixxi l-għaraq (PSE), ma jistax jintuża laħam skur, sod u xott (DFD), laħam tal-lewn mixtieq iżda artab u li jnixxi l-għaraq (RSE), u laħam li huwa sod u ma jnixxix għaraq iżda bajdani (PFN).

Fil-ħin tal-kunsinna tiegħu fil-post tal-produzzjoni, l-aċidità tal-laħam tal-majjal, kif imkejla fiż-żona tal-muskolu semimembranuż, għandha tkun bejn 5,5 u 6,1.

Kopertura ta’ xaħam: Il-ħxuna minima tax-xaħam ta’ taħt il-ġilda, bil-ġilda b'kollox, fuq il-parti ta' barra ta' riġel mirqum, imkejla b’mod vertikali taħt ir-ras tal-wirk, hija ta’ 15 mm.

Ix-xaħam li jkopri l-parti kollha tax-xifer ittondjat tar-riġel huwa biżżejjed biex il-ġilda ma tinfiridx mill-muskolu ta' taħt.

Temperatura tal-laħam: meta ssir il-kunsinna ta' riġel fil-post tal-produzzjoni, it-temperatura interna tiegħu hija bejn 1 °C u 4 °C.

Matul il-ħażna u t-trasport, ir-riġlejn friski jinżammu f’temperatura ta’ bejn 1 °C u 4 °C. Ir-riġlejn ma jistgħux jiġu ffriżati.

Ir-riġlejn għandhom jiġu mmellħa bejn 24 u 96 siegħa wara li l-majjal ikun inqatel.

3.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha fil-produzzjoni tad-“Dalmatinski pršut”, minn meta jitlesta t-tmelliħ tar-riġlejn friski sakemm jiġu ppressati, iffumigati, imnixxfa u mmaturati għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika speċifikata f’Taqsima 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Wara tmiem l-istadju tal-maturazzjoni, il-prieżet jiġu ssiġillati bis-sħana b’marka tad-ditta li tinkludi s-simbolu komuni tad-“Dalmatinski pršut” u l-kodiċi tal-produttur, li huwa identiku għan-numru tal-kontroll veterinarju tal-faċilità.

Image

Meta jitqiegħed fis-suq, il-prodott għandu jkollu fuqu l-isem “Dalmatinski pršut” u s-simbolu komuni. L-isem “Dalmatinski pršut” għandu jkun jinqara b’mod ċar u li ma jitħassarx u għandu jkun kbir biżżejjed u mmarkat permezz ta’ tipa u kulur li jidhru b'mod iktar ċar minn kull kitba oħra.

Kull utent tad-denominazzjoni tal-oriġini li jqiegħed il-prodott fis-suq skont l-Ispeċifikazzjoni tiegħu għandu dritt juża s-simbolu komuni, taħt l-istess kundizzjonijiet.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-produzzjoni tad-“Dalmatinski pršut” isir fid-Dalmazja. Il-konfini tat-Tramuntana taż-żona ta’ produzzjoni tgħaddi mill-belt ta’ Novalja, il-muniċipalità ta’ Kolan, il-belt ta’ Pag, il-muniċipalitajiet ta’ Starigrad u Jasenice, il-belt ta’ Obrovac, il-muniċipalità ta’ Ervenik u l-belt ta’ Knin; fil-Lvant, il-fruntiera timmarka l-fruntieri tal-istati tal-Bożnja u Ħerzegovina, u l-Montenegro; lejn in-Nofsinhar u l-Punent, iż-żona hija demarkata permezz tal-fruntiera marittima tal-Istat tar-Repubblika Taljana.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta bejn id-“Dalmatinski pršut” u ż-żona ġeografika ta’ fejn jiġi prodott hija bbażata fuq il-karatteristiċi tal-prodott li jirriżultaw minn metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali, kif ukoll fuq ir-reputazzjoni li dan il-prodott reġjonali laħaq madwar il-pajjiż kollu.

Speċifiċità taż-żona

L-element naturali

Id-“Dalmatinski pršut” jiġi prodott fiż-żona ġeografika kollha tad-Dalmazja, li hi l-itwal u l-akbar medda ta’ kosta Kroata tul l-Adrijatiku. Id-Dalmazja tinkludi l-gżejjer, il-kosta u l-intern submediterranju. Il-kosta, il-gżejjer u l-intern muntanjuż huma b'mod ġenerali paralleli ma' xulxin mill-Grigal sax-Xlokk. L-intern tal-pajjiż huwa muntanjuż, b'karatteristiċi tipiċi karstiċi.

Il-klima fid-Dalmazja hija Mediterranja, ikkaratterizzata minn sjuf sħan u xotti u xtiewi mhux ħorox u umdi. Fix-xitwa, it-temperatura medja hija ta’ 3,6–9,0 °C, filwaqt li t-temperatura medja għas-sajf hija ta’ 24,7–25,3 °C. L-umdità relattiva tul is-sena tvarja minn 56 % sa 76 %. Fenomenu klimatiku tipiku taż-żona hija l-Bora, riħ xott u kiesaħ li jipprevali fil-perjodu tax-xitwa u jonfoħ medja ta’ 130 ġurnata fis-sena. Il-kombinazzjoni ta’ dawn il-fatturi klimatiċi joħolqu kundizzjonijiet li jgħinu biex id-“Dalmatinski pršut” jinxef u jimmatura.

L-element uman

Minħabba li l-melħ tal-baħar huwa disponibbli kullimkien u l-klima hija favorevoli, minn żmien ir-Rumani n-nies tad-Dalmazja malajr adottaw il-ħila tal-preservazzjoni tal-laħam tal-majjal permezz tat-tmelliħ u t-tnixxif. Minn dak iż-żmien il-kapaċità tal-produzzjoni tal-“pršut” għaddiet tul il-ġenerazzjonijiet, żviluppat maż-żmien fi proċess ta’ produzzjoni li huwa kkunsidrat bħala tradizzjonali fid-Dalmazja.

L-għarfien tradizzjonali jidher f’kull stadju tal-produzzjoni tad-“Dalmatinski pršut”. Il-produtturi tal-“pršut” fid-Dalmazja jagħżlu perżut ta’ kwalità li jiżen mill-inqas 11 kg u li jkollu kontenut ta' xaħam u ġilda ta’ mill-inqas 15 mm. Qabel it-tmelliħ jofsqu d-demm li jifdal fil-perżuta, partikolarment mill-arterja femorali, biex ma jkunx hemm taħsir matul l-istadju ta’ tnixxif u ta' maturazzjoni. Il-ħila tal-produtturi tal-“pršut” toħroġ ukoll meta wieħed jiġi biex jistabbilixxi t-tul ta’ żmien tat-tmelliħ u l-ippressar tal-perżut, li jiddependi primarjament fuq il-piż tiegħu.

Tingħata attenzjoni speċjali għall-metodu u għat-tul ta' ħin tal-iffumigar kif ukoll għall-għażla tal-injam. Fil-fatt, oriġinarjament id-“Dalmatinski pršut” kien jiġi ppreservat prinċipalment permezz tat-tmelliħ u t-tnixxif pjuttost milli bl-iffumigar. L-iffumigar tad-“Dalmatinski pršut” matul l-istadju ta' tnixxif — li kien isir ħdejn l-ifran fil-kċejjen antiki jew fl-għerejjex tat-tnixxif bis-saqaf poruż — ġie introdott biex wieħed jeħles mill-umdità matul l-istaġun tax-xita. Hekk kif it-temp jinbidel, u l-Bora tibda tonfoħ mill-ġdid, il-prieżet jitħallew barra biex jinxfu fl-arja.

Il-produtturi tad-“Dalmatinski pršut” tgħallmu li l-laħam affumigat jimmatura aħjar u saħansitra jżomm aktar fit-tul minħabba l-proprjetajiet batteriċidi u antiossidanti tad-duħħan, u kien għalhekk li kienu jaffumigaw il-perżut anki f’kundizzjonijiet ta’ temp xott meta ma kienx verament meħtieġ li jdendluh ħdejn l-ifran. Għalkemm il-metodu ta’ produzzjoni tad-duħħan illum m’għadux meħtieġ għall-preżervazzjoni tal-laħam, xorta jintuża fil-produzzjoni tad-“Dalmatinski pršut” biex tingħata dik l-aroma unika u distintiva ta’ laħam tal-majjal imnixxef u affumigat. Illum l-iffumigar hija proċedura ta' produzzjoni separata bl-użu ta’ duħħan kiesaħ miksub permezz tal-ħruq ta' ċana jew injam iebes tal-karpin (Carpinus sp.), tal-ballut (Quercus sp.), jew tal-fagu (Fagus spp.), li tradizzjonalment jintużaw bħala ħatab għall-ħruq fid-djar.

Speċifiċità tal-prodott

Il-kwalità unika tad-“Dalmatinski pršut” hija riflessa primarjament fil-karatteristiċi organolettiċi tiegħu, li huma riżultat tal-proċess ta’ produzzjoni.

Il-proprjetà organolettika karatteristika tiegħu hija l-aroma, taħlita ta’ laħam tal-majjal imnixxef u ffermentat iffumigat ħafif. Ir-riċerka wriet differenzi fil-kompożizzjoni tas-sustanzi volatili tad-“Dalmatinski pršut” u sitt prieżet oħra mnixxfa minn pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, b’mod partikolari fil-preżenza ta’ fenoli (gwajakol, fenol, m-kresol, o-kresol, 2,5-ksilenol, 2,6-ksilenol, u 2,6 dimetossifenol), fil-kampjuni kollha tad-“Dalmatinski pršut”. Minħabba li l-proċess tal-produzzjoni ta’ prieżet ta’ tipi oħrajn ma jinvolvix l-iffumigar, huwa ferm probabbli li l-aroma tingħata mill-fenoli (Igor Jerković, Josip Mastelić, Snježana Tartaglia: A study of volatile flavour substances in Dalmatian traditional smoked ham: Impact of drycuring and frying, Food Chemistry 104 (2007), str. 1038).

Id-“Dalmatinski pršut” huwa kkaratterizzat minn togħma kemxejn mielħa li tagħti fi mluħa aktar qawwija, konsistenza ratba b’mod uniformi, u lewn aħmar għal aħmar ċar.

Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-karatteristiċi tal-prodott

Ir-rabta bejn il-karatteristiċi tad-“Dalmatinski pršut” u ż-żona ta’ produzzjoni tiegħu hija riflessa primarjament fl-użu tal-metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali, li għadda minn ġenerazzjoni għal oħra. Minħabba ħiliet ta' produzzjoni tradizzjonali, id-“Dalmatinski pršut” għandu karatteristiċi speċjali li għenu biex dan kiseb il-fama tiegħu.

Il-karatteristika ewliena tad-“Dalmatinski pršut” hija l-aroma tipika ta’ duħħan ħafif. L-iffumigar, għalhekk, huwa stadju sensittiv ħafna fil-produzzjoni, stadju li matulu l-produtturi tal-“pršut” iridu jagħtu attenzjoni speċjali fl-għażla ta' ħatab xieraq u għall-kwantità ta’ duħħan u t-tul tal-proċess tal-affumigar, li prinċipalment jiddependu fuq il-piż tal-perżut u t-temp fiż-żmien tal-iffumigar. Jekk dawn il-parametri ma jkunux magħżula b’mod korrett, ir-riżultat jista’ jkun riħa qawwija wisq ta’ duħħan, tibdil fil-kulur tal-qoxra, u konsistenza iebsa tal-laħam li ma jinħallx faċilment fil-ħalq.

Il-ħila tal-produtturi tal-“pršut” matul il-perjodu ta’ maturazzjoni hija riflessa fil-kontroll xieraq tal-fluss ta’ arja, tat-temperatura u tal-umdità relattiva, li jippermetti li l-proċessi metaboliċi jseħħu b'rata xierqa u b’hekk jiġi evitat tnixxif eċċessiv jew rapidu tal-laħam li jirriżulta f'laħam inqas tari u f’aktar telf tal-kulur aħmar li jagħti f'aħmar iktar ċar b'mod uniformi matul il-wisa’ tal-tessut tal-muskolu, minħabba li l-laħam jiswied mit-truf.

L-aktar bis-saħħa tal-aroma hafifa ta’ duħħan, id-“Dalmatinski pršut” issa ilu żmien twil li kiseb rikonoxximent lil hinn miż-żona ta’ produzzjoni.

Lejn l-aħħar tas-snin 30 tas-seklu l-ieħor, Rudolf Bergštajn, sid lukanda fil-belt ta’ Varaždin, irreklama f'gazzetta lokali ta' kull ġimgħa li l-klijenti tiegħu setgħu jduqu: “[…] ‘Dalmatinski pršut’ ta' veru […]”: (Hrvatsko jedinstvo No 60, 1938, Varaždin, p. 8).

Il-popolarità tad-“Dalmatinski pršut” kibret malajr ħafna fis-snin 60 tas-seklu l-ieħor, meta ż-żieda fid-domanda ġabet żieda fil-produzzjoni, li kienet organizzata fuq bażi ta' kooperattiva.

Fil-kontribut tagħhom fil-bullettin kummerċjali Meso (2006), M. Krvavica u J. Dugum Kroati jiddikjaraw li “l-varjetajiet tradizzjonali ta' pršut, fosthom id-‘Dalmatinski pršut’, […] għandhom karatteristiċi li ċertament jikklassifikawhom fost l-ogħla kwalità ta' ‘pršut’ […]” Dan jimplika li d-“Dalmatinski pršut” għadu sal-lum rikonoxxut għall-kwalità tiegħu u l-metodu tradizzjonali tal-produzzjoni.

Il-produtturi tad-“Dalmatinski pršut” jeżibixxu b’mod regolari fil-Wirja Nazzjonali tal-Pršut, li ilha tiġi organizzata f’Sinj mill-2006 u tospita wkoll parteċipanti internazzjonali, kif ukoll fil-Wirja Internazzjonali tal-Prieżet, organizzata f’Tinjan mill-2007, fejn ħafna drabi jirbħu titlu fil-kampjonati. Id-“Dalmatinski pršut” rebaħ titli fil-kampjonati u medalji tad-deheb fl-2009, fl-2010 u fl-2013 fil-Wirja Internazzjonali tal-Agrikoltura f’Novi Sad, is-Serbja.

Bl-espansjoni tat-turiżmu f’nofs is-snin 90 u d-domanda dejjem tikber għall-prodotti lokali tipiċi, id-“Dalmatinski pršut” sar ikel fin distintiv mid-Dalmazja, u f’termini ekonomiċi, prodott tal-ikel tradizzjonali ewlieni fil-Kroazja.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://www.mps.hr/UserDocsImages/HRANA/DALM%20PRSUT/izmijenjena%20Specifikacija%20Dalmatinski%20pršut.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


1.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 323/11


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 323/09)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“MOJAMA DE ISLA CRISTINA”

Nru tal-KE: ES-PGI-0005-01211 — 10.3.2014

IĠP ( X ) DOP ( )

1.   Isem

“Mojama de Isla Cristina”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.7 — Ħut, molluski, krustaċej friski u prodotti derivati minnhom

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Mojama de Isla Cristina” ssir mill-parti prima tat-tonn li tissejjaħ il-flett, kemm mill-partijiet ta’ fuq kif ukoll mill-partijiet ta’ taħt tal-flett, li jgħaddu minn proċess ta’ staġjonar u jitnixxfu għall-arjaperta jew inkella f’mini apposta li jħallu l-istess effett.

Il-“Mojama de Isla Cristina” tiġi kklassifikata fil-kategoriji “Extra” u “Primera”.

Il-Kategorija “Extra”: il-mojama li ġejja mill-parti ta’ ġewwa tal-flett, jiġifieri dik il-parti li tmiss mas-sinsla u li hija inqas xaħmija.

Il-Kategorija “Primera”: il-mojama li ġejja mill-partijiet li jmissu mal-parti tal-“Extra” u li huma kkaratterizzati mill-kontenut xaħmi tagħhom.

Il-“Mojama de Isla Cristina” hija ta’ lewn kannella skur fuq barra, filwaqt li meta titqatta’ jidhru l-vini karatteristiċi tal-flett tat-tonn, li huma aktar distinti fil-kategorija “Primera” milli fl-“Extra”. Meta titqatta’, ikollha sfumatura ta’ aħmar li jiskura mat-tarf; b’sawra kumpatta u lixxa, mhux wisq fibruża u b’riħa u b’togħma ta’ ħut żejtni.

Il-kontenut ta’ melħ huwa bejn 3 % u 9 % filwaqt li l-kontenut umdu jrid ikun bejn 40 % u 50 %.

Il-prodott jiġi ppakkjat fil-vakwu f’biċċiet b’piżijiet differenti jew isslajsjat u mpoġġi fiż-żejt taż-żebbuġa jew tal-ġirasol, f’boroż tal-plastik trasparenti u b’tikketti apposta. Jista’ jinbiegħ ukoll f’vażetti tal-ħġieġ, isslajsjat u mpoġġi fiż-żejt taż-żebbuġa jew tal-ġirasol.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-“Mojama de Isla Cristina” ssir mill-flett tat-tonn ta’ dawn l-ispeċijiet: Thunnus albacares, fis-suq magħruf bħala tonn isfar, jew rabil, u Thunnus thynnus, fis-suq magħruf bħala tonn (bluefin), b’piż ħaj ta’ aktar minn 200 kg. M’hemmx restrizzjonijiet taż-żoni mnejn tinqabad il-materja prima, iżda jista’ jintuża biss tonn selvaġġ.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Dawn l-attivitajiet iridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita: il-ħasil tat-tonn, it-tqattigħ (li tradizzjonalment jissejjaħ ronqueo), il-ħasil tal-partijiet differenti li jkunu se jintużaw, it-tmelliħ, il-ħasil ripetut sakemm jintlaħaq il-livell mixtieq ta’ mluħa, l-ippressar, l-istaġjonar tal-flett permezz tat-tnixxif, it-tqarwiż u l-għażla finali biex jiġi ppakkjat.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-prodott jiġi ppakkjat fil-vakwu f’biċċiet b’piżijiet differenti jew isslajsjat u mpoġġi fiż-żejt taż-żebbuġa jew tal-ġirasol, f’boroż tal-plastik trasparenti u b’tikketti apposta. Jista’ jinbiegħ ukoll f’vażetti tal-ħġieġ, isslajsjat u mpoġġi fiż-żejt taż-żebbuġa jew tal-ġirasol.

L-ippakkjar irid isir fl-istess azjenda biex matul il-proċess kollu jinżammu l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi, speċjalment il-kontenut tal-imluħa u l-kontenut umdu.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Fuq it-tikketti speċifiċi ta’ kull azjenda li tbigħ il-“Mojama de Isla Cristina” bl-Indikazzjoni Ġeografika Protetta, irid jidher b’mod prominenti l-kliem “Mojama de Isla Cristina” flimkien mal-logo tal-IĠP tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, irid jidher l-akronomu tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta flimkien mal-logo tagħha kif jidher hawn taħt.

Image

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-“Mojama de Isla Cristina” ssir fil-muniċipalitajiet ta’ Isla de Cristina, Lepe, Cartaya u Ayamonte fil-provinċja ta’ Huelva.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-“Mojama de Isla Cristina” hija magħrufa fis-suq lokali bħala prodott gourmet, ikkaratterizzat mill-preparazzjoni bir-reqqa, il-prezz għoli u l-konsum elit. Jista’ jinxtara minn ħwienet speċjalizzati tal-gastronomija tipika f’diversi partijiet ta’ Spanja.

Ir-rabta tad-denominazzjoni “Mojama de Isla Cristina” maż-żona ġeografika hija bbażata fuq il-prestiġju u r-reputazzjoni ta’ dan il-prodott grazzi għat-tradizzjoni tat-tmelliħ tal-ħut f’din iż-żona, fejn kien u għadu jinqabad it-tonn u fejn il-metodu artiġjanali tal-preparazzjoni, li huwa bbażat fuq l-esperjenza u l-għarfien, intiret minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Il-kosta kollha tal-Golf ta’ Cádiz għandha tradizzjoni antika ta’ sajd u ta’ preparazzjoni tat-tonn immellaħ, li tmur lura għal żmien il-Feniċi u t-Tartessjani li għallmu s-sengħa tas-sajd lill-ewwel abitanti taż-żona, u hemm referenzi għas-sajd tat-tonn permezz ta’ labirinti ta’ xbieki li jmorru lura għal din l-epoka.

B’mod naturali, is-sajd bħala mezz ta’ għixien u l-ħtieġa ta’ tekniki tat-tmelliħ tal-ħut biex ikun jista’ jiġi kkummerċjalizzat, ta lok biex bdew jinbtu diversi impriżi tat-tmelliħ tal-ħut fiż-żona ta’ Isla Cristina, Ayamonte u Cartaya, u b’mod ġenerali matul il-kosta kollha ta’ Huelva, fejn kull tip ta’ tonn u ħut ieħor tal-familja Scombridae kienu jiġu ppreparati u esportati madwar id-dinja kollha.

Bis-saħħa tal-popli li stabbilew ruħhom fin-nofsinhar ta’ Spanja, l-industrija tas-sajd kompliet tikber u tiffjorixxi fejn għadha teżisti sal-lum, bl-użu tal-istess metodi tradizzjonali artiġjanali għat-trattament u għat-tmelliħ tal-fletti tat-tonn.

L-industrija tradizzjonali tat-tmelliħ f’Huelva hija kkonċentrata madwar iż-żoni ta’ Isla Cristina, Lepe u Ayamonte, li għadhom jużaw it-tekniki tradizzjonali tal-preparazzjoni bl-għajnuna tal-kundizzjonijiet klimatoloġiċi.

Il-“Mojama de Isla Cristina” hija l-aktar tonn immellaħ importanti, u l-industrija li tippreparah ġiet iffurmata minn kumpaniji familjari ta’ daqs żgħir u medju, immexxija mill-fundatur jew id-dixxendenti tiegħu, li għenet biex maż-żmien ġew ikkonservati t-tekniki skont l-aktar tradizzjonijiet antiki tal-produzzjoni, filwaqt li żdiedu biss metodi ġodda għas-sikurezza alimentari u ġew permessi kontrolli fuq il-proċess tal-produzzjoni bil-għan li tittejjeb il-kwalità.

Il-preparazzjoni ta’ dan il-prodott teħtieġ l-għarfien u l-esperjenza mill-bidu tal-proċess u matul kull stadju: it-tqattigħ tal-ħuta; l-estrazzjoni tal-flett li jintuża biex issir il-“Mojama de Isla Cristina”; il-qatgħat li jsiru fil-partijiet adattati; il-fażi tat-tmelliħ, proċess li jitlob l-għarfien dwar il-grad meħtieġ ta’ mluħa; il-ħasil li jsir wara, li għandu jsir b’mod ikkontrollat biex titneħħa l-imluħa żejda, u dik żejda biss; u fl-aħħar nett it-tnixxif, li grazzi għall-mikroklima taż-żona ġeografika jsir fl-aħjar kundizzjonijiet, b’mod naturali jew inkella f’mini apposta.

Fl-2001, Isla Cristina bdiet tiċċelebra il-Jornadas del Atún (Jiem it-Tonn), fejn jiltaqgħu esperti tat-tonn minn madwar id-dinja kollha, bil-għan li jaqsmu l-għarfien tagħhom dwar din l-ispeċi b’rabta mat-turiżmu, l-ekonomija u l-konservazzjoni bijoloġika. L-avveniment jiġi organizzat mill-Muy Noble Sociedad de Amigos del Atún Thunnus Thynnus y Amantes del Vino (is-Soċjetà Ħbieb tat-Tonn u tal-Inbid), bil-għan li jservi ta’ vetrina għall-gastronomija tradizzjonali, u fost l-attivitajiet differenti li jsiru matulu, isir dewqan tal-mojama minn professjonisti, u jingħataw premijiet għall-aqwa “Mojamas de Isla Cristina”. Issir ukoll is-Semana de Alta Gastronomía (il-Ġimgħa Gastronomika), fejn jipparteċipaw l-aqwa koki li jippreparaw platti bit-tonn, u il-Muestra Culinaria del Atún (il-Fiera Kulinarja tat-Tonn), fejn jipparteċipaw il-parti l-kbira tal-bars, tascas, ristoranti u mesones ta’ Isla Cristina, u jikkompetu biex joffru l-aqwa riċetti li ntirtu matul ġenerazzjonijiet ta’ sajjieda u n-nisa tagħhom.

Fil-pubblikazzjoni tal-Ministeru tal-Agrikoltura, is-Sajd u l-Ikel, “Inventario Español de Productos Tradicionales” fl-1996, u fir-riċerka ppubblikata mill-Fundación Unicaja, “Catalogación y Caracterización de los Productos Típicos Agroalimentarios de Andalucía”, it-Tieni Volum, ippubblikata fl-2006, il-“Mojama de Isla Cristina” hija mniżżla bħala prodott tradizzjonali.

Bħala prova tar-reputazzjoni ta’ dan il-prodott, fix-xena gastronomika 'l barra minn din il-muniċipalità, fil-ġurnal “ABC de Sevilla” tal-1 ta’ April 2003, deher rapport dwar it-“III Jornadas Gastronómicas Andaluzas en el Ritz de Madrid: De Lepe a la Castellana”. L-artiklu jgħid kif l-attività ġiet inawgurata mir-restorant Coral Playa f’La Antilla-Lepe (Huelva), u l-menù li offra r-restorant ta’ Huelva kien jinkludi il-jamón de la sierra de Aracena, il-“Mojama de Isla Cristina”, u l-gambli tant magħrufa ta’ Huelva.

Fid-XIX Jornada Gastronómica de Granada li saret fl-2010, fost il-platti li wieħed seta’ jduq kien hemm il-“Mojama de Isla Cristina en tostas con Salmorejo”.

L-Anuario de la Cocina de la Comunitat Valenciana tal-2013, ippubblikat fis-7 ta’ Diċembru 2012 minn José Manuel Rubio, passjonat tal-ifjen prodotti gastronomiċi, isemmi l-“Mojama de Isla Cristina” fost l-eżempji magħżula ta’ speċjalitajiet nazzjonali u Ewropej.

Il-“Mojama de Isla Cristina” tinsab fuq il-menù tar-Restaurante Acánthum bħala waħda mill-entremeses favoriti.

Ir-Restaurante Casa Machaquito jippreżenta l-“Mojama de Isla Cristina” bħala prodott gastronomiku taż-żona.

Ir-restorant La Mirta tal-Hotel Eurostar Tartessos joffri menù onlajn estensiv fejn tista’ ssib il-“Mojama de Isla Cristina” flimkien ma’ żewġ prodotti oħra ta’ prestiġju mill-provinċja ta’ Huelva, li huma l-gambli u l-jamón.

Il-kompendju tal-ikel “Gruta” isemmi wkoll il-“Mojama de Isla Cristina” fost il-varjetajiet ta’ mojamas, u jiddeskrivi fid-dettall il-proċess kif isir flimkien mal-karatteristiċi fiżiċi tiegħu.

Fir-rigward tal-isem fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-ġurnal “ABC de Sevilla” tas-7 ta’ Awwissu 2000 uża l-espressjoni “… tiesos cual mojama de Barbate o de Isla Cristina” (iebes daqs mojama ta’ Barbate jew ta’ Isla Cristina).

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

[It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament]

It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa disponibbli fuq:

http://www.juntadeandalucia.es/agriculturaypesca/portal/export/sites/default/comun/galerias/galeriaDescargas/cap/industrias-agroalimentarias/denominacion-de-origen/Pliegos/Pliego_mojama_islacristina.pdf

jew inkella permezz tal-paġna web tal-Consejería de Agricultura, Pesca y Desarrollo Rural. (http://www.juntadeandalucia.es/agriculturaypesca/portal), permezz ta’ din il-link: “Industrias Agroalimentarias”/“Calidad y Promoción”/“Denominaciones de Calidad”/“Productos derivados de la pesca”. L-Ispeċifikazzjoni tinsab taħt l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Kwalità.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.