ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 18

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 58
21ta' Jannar 2015


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2015/C 018/01

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għal drittijiet għat-trawwim tal-awtonomija u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà ċivili

1

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 018/02

Rata tal-kambju tal-euro

5


 

V   Avviżi

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 018/03

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

6

2015/C 018/04

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

12


MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

21.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 18/1


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għal drittijiet għat-trawwim tal-awtonomija u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà ċivili

(2015/C 18/01)

IL-KUNSILL,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI LI:

1.

Il-Kunsill, fil-qafas tal-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2014-2015 (1), stabbilixxa t-tema tar-responsabbilizzazzjoni taż-żgħażagħ bħala l-prijorità globali tat-triju tal-Presidenzi (IT, LV, LU), b’attenzjoni fuq l-aċċess għad-drittijiet, l-awtonomija, il-parteċipazzjoni politika u ċ-ċittadinanza attiva.

2.

Iż-żgħażagħ għadhom affettwati b’mod negattiv mill-kriżi ekonomika u soċjali li kkaratterizzat dawn l-aħħar ftit snin. B’konsegwenza tal-bidliet demografiċi, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-għoti ta’ impjieg b’kondizzjonijiet prekarji, sar iktar diffiċli għalihom li jiksbu l-awtonomija u li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv.

3.

Il-livelli għoljin ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ikkontribwixxew għat-tixrid tal-faqar, il-marġinalità u l-esklużjoni soċjali, problemi ta’ saħħa kif ukoll telf ta’ fiduċja fil-futur. Ir-riċerka turi wkoll li f’xi Stati Membri għadd dejjem akbar ta’ żgħażagħ barra mhux qed jaħdmu, jirċievu edukazzjoni jew taħriġ (NEET) (2) u li hemm rabta b’saħħitha bejn l-istatus soċjoekonomiku u l-parteċipazzjoni politika: Meta mqabbla mal-kumplament tal-popolazzjoni żagħżugħa, hemm probabbiltà inqas li n-NEET jivvotaw (3), in-NEET għandhom inqas fiduċja fl-organizzazzjonijiet politiċi u huma inqas involuti fil-parteċipazzjoni ċivika.

4.

Madankollu, iż-żgħażagħ jirrappreżentaw riżorsa siewja għas-soċjetà. Il-ħiliet, il-kompetenzi u l-kapaċità kreattiva u innovattiva tagħhom għandhom jitqiesu fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji għall-politika dwar iż-żgħażagħ fuq livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali.

KONXJU:

5.

Li hemm indikazzjonijiet li ż-żgħażagħ qed isiru awtonomi (4) ta’ età akbar milli fl-imgħoddi.

6.

Li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, aggrava l-inugwaljanzi interġenerazzjonali u jista’ jkollu effetti dejjiema fuq il-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà tas-soċjetajiet tagħna.

7.

Li l-mobbiltà taż-żgħażagħ fl-Ewropa li qiegħda tiżdied, anki minħabba t-tfittxija għall-impjieg f’pajjiżi oħra, teħtieġ attenzjoni adegwata, sabiex issir opportunità reali għall-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ. F’dan ir-rigward, il-programm Erasmus+ jista’ jaqdi rwol importanti fil-promozzjoni ta’ awtonomija u parteċipazzjoni akbar fil-ħajja soċjali għaż-żgħażagħ permezz tal-mobbiltà kif ukoll it-titjib ta’ ħiliet u kompetenzi importanti għall-impjegabbiltà u ċ-ċittadinanza.

8.

Tal-konklużjonijiet konġunti (5) tal-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, 13-15 ta’ Ottubru 2014, Ruma (6).

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI L-ISFIDI EWLENIN LI ĠEJJIN:

9.

L-azzjoni kkombinata tal-fatturi kkawżati mill-kriżi ekonomika u soċjali, bħat-tnaqqis fid-dħul finanzjarju, in-nuqqas ta’ xogħol u instabbiltà akbar fl-impjiegi, naqqset il-ħila taż-żgħażagħ li jsiru awtonomi (7).

10.

Għaldaqstant, issa jeħtieġ li jiġu żviluppati miżuri u politika adatti biex jappoġġaw l-awtonomija taż-żgħażagħ u t-transizzjoni tagħhom għall-ħajja adulta. Dan ma jinvolvix biss azzjoni b’rabta ma’ politiki li jiffavorixxu t-transizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għax-xogħol, iżda wkoll fuq oqsma relatati bħall-aċċess għall-finanzjament, is-saħħa u l-ġid u l-parteċipazzjoni politika u ċivika, sabiex jingħataw l-għodod meħtieġa biex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jsiru awtonomi u jieħdu sehem fil-ħajja soċjali.

11.

Bil-għan li jiġi żgurat l-aċċess taż-żgħażagħ għal drittijiet, l-UE teħtieġ li tiffoka, fost l-oħrajn, fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, it-trawwim ta’ ċittadinanza attiva u t-tnaqqis tad-diskrepanza bejn il-ħiliet u l-kompetenzi li jiksbu ż-żgħażagħ u dawk mitluba mis-suq tax-xogħol filwaqt li tippermettilhom li jikkontribwixxu għall-ħolqien sostenibbli ta’ impjiegi ġodda billi tippromwovi edukazzjoni ta’ kwalità għolja kif ukoll it-titjib tal-komunikazzjoni ta’ ħiliet u kompetenzi ta’ gradwati lil min iħaddem.

F’DAN IR-RIGWARD IQIS LI:

12.

Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn is-setturi fil-politika dwar iż-żgħażagħ, l-UE u l-Istati Membri, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom u bir-rispett xieraq tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jistgħu jippromwovu miżuri, fejn xieraq, li jindirizzaw il-kwistjonijiet li ġejjin:

l-appoġġ tal-awtonomija u l-ġid taż-żgħażagħ u l-indirizzar u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta’ diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom ħafna żgħażagħ;

investiment biex iż-żgħażagħ isiru aktar konxji mid-drittijiet tagħhom u kif iħaddmuhom;

appoġġ għall-involviment taż-żgħażagħ fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fuq kull livell u permezz tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ bħala mezz importanti għas-sehem u l-iżvilupp ta’ ċittadinanza attiva;

li nkomplu nimxu fit-triq li ttieħdet lejn ir-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala strument biex iħeġġeġ is-sehem u l-kisba ta’ ħiliet u kompetenzi importanti għall-kisba tal-awtonomija;

li tingħata spinta lill-opportunitajiet għas-sehem u l-kontribut tagħhom għall-ħajja komunitarja, anki permezz tal-mezzi tax-xandir u t-teknoloġija tal-informazzjoni, partikolarment fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw liż-żgħażagħ direttament;

appoġġ għall-edukazzjoni dwar il-litteriżmu diġitali u fil-mezzi tax-xandir bħala mezz kif jitrawmu l-imħuħ kritiċi taż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza attiva;

appoġġ għar-rikonoxximent u l-validazzjoni ta’ ħiliet u kompetenzi miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali bħal attivitajiet volontarji u t-trawwim tas-sehem taż-żgħażagħ fil-ħajja ċivika, soċjali u politika;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, B’KONSIDERAZZJONI DOVUTA GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

13.

Jagħmlu progress lejn l-identifikazzjoni ta’ ostakli għas-sehem taż-żgħażagħ fil-ħajja soċjali u politika, filwaqt li jikkunsidraw l-introduzzjoni possibbli ta’ miżuri biex jindirizzaw dawn l-ostakli.

14.

Jagħmlu ħilithom biex jippromwovu l-fatt li ż-żgħażagħ għandhom aċċess għal impjiegi ta’ kwalità b’paga ġusta u protezzjoni soċjali, li jippermetti li ż-żgħażagħ ikunu awtonomi u jkollhom ħajja sikura u dinjituża.

15.

Jippromwovu opportunitajiet indaqs u ugwaljanza bejn is-sessi għaż-żgħażagħ, fost l-oħrajn fl-oqsma tal-ħajja soċjali, ekonomika u politika. Jikkunsidraw li jieħdu passi biex jiżguraw li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jirrikonċiljaw ix-xogħol u l-ħajja privata.

16.

Jinvestu f’miżuri ta’ prevenzjoni u intervent għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola, speċjalment permezz tat-tfassil ta’ politika mmirata biex tipprovdi aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità u toffruiappoġġ immirat għat-titjib tal-ambjenti tal-iskejjel. Għandha tingħata attenzjoni wkoll lit-tneħħija tal-ostakli għall-kisba miż-żgħażagħ tal-potenzjal sħiħ tagħhom fl-edukazzjoni.

17.

Jippromwovu l-ħidma fost iż-żgħażagħ, b’kont meħud tas-sejbiet tal-istudju dwar il-valur tal-ħidma fost iż-żgħażagħ (8), bħala għodda fundamentali biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiżviluppaw l-inizjattivi proprji tagħhom u jappoġġaw it-transizzjoni taż-żgħażagħ lejn l-età adulta.

18.

Jikkunsidraw li jippromwovu l-iżvilupp ta’ skemi ta’ akkomodazzjoni soċjali (9) li jikkonċentraw b’mod partikolari fuq żgħażagħ bi dħul baxx, bħal studenti u apprendisti u ż-żgħażagħ qiegħda.

19.

Jikkunsidraw modi kif jippromwovu l-istabbiliment ta’ skemi għaż-żgħażagħ bil-għan li jappoġġaw il-proġetti intraprenditorjali tagħhom.

20.

Jappoġġaw l-iżvilupp tas-servizzi ta’ informazzjoni maħsuba għaż-żgħażagħ li tista’ tgħin biex tinforma liż-żgħażagħ dwar l-aċċess tagħhom għal drittijiet.

21.

Jappoġġjaw l-aċċess taż-żgħażagħ għall-ħajja kulturali bil-ħsieb li tgħinhom jikkontribwixxu għall-bini ta’ soċjetà aktar koeżiva.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, U LILL-KUMMISSJONI, FL-ISFERI TA’ KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U B’KONSIDERAZZJONI DEBITA GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, U FILWAQT LI JIRRISPETTAW IR-RESPONSABBILTÀ TAL-ISTATI MEMBRI FIR-RIGWARD TAL-POLITIKI DWAR IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, BIEX:

22.

Ikomplu jinvestu fil-promozzjoni tal-awtonomija għaż-żgħażagħ permezz tal-iżvilupp u l-appoġġ tal-politiki dwar iż-żgħażagħ u l-ħidma fost iż-żgħażagħ u, fejn xieraq, permezz ta’ appoġġ u finanzjament adegwati għall-organizzazzjonijiet indipendenti taż-żgħażagħ/immexxija miż-żgħażagħ.

23.

Jippromwovu l-prinċipju li l-awtonomija u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ jitqiesu bħala aspett importanti li għandu jiġi kkunsidrat fl-iżvilupp ta’ strateġiji soċjali u ekonomiċi fl-UE.

24.

Jappoġġaw kampanji u programmi edukattivi mmirati biex iqajmu kuxjenza dwar id-drittijiet tal-bniedem (fosthom id-drittijiet ċivili u politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali) u dwar kif iż-żgħażagħ jistgħu jgawdu dawn id-drittijiet b’mod sħiħ, bl-użu wkoll ta’ netwerks eżistenti. Għandha ssir enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet.

25.

Jippromwovu l-użu ta’ opportunitajiet eżistenti fil-programm Erasmus+, fosthom dawk marbuta mat-taħriġ għall-għalliema u dawk li jaħdmu fost iż-żgħażagħ fuq id-drittijiet tal-bniedem (fosthom id-drittijiet ċivili u politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali) sabiex ikunu jistgħu jaġixxu ta’ multiplikaturi fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ tagħhom.

26.

Jiżguraw li l-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ jiġi implimentat fil-pront permezz ta’ kooperazzjoni ġenwina bejn is-setturi.

27.

Jużaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala strument biex jippromwovu riforma strutturali fl-Istati Membri u l-iskambju ta’ prattika tajba fost l-Istati Membri, speċjalment dwar is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tagħha b’rabta mat-transizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għax-xogħol.

28.

Jistabbilixxu skambju tal-aħjar prattiki fil-qafas tal-istrutturi eżistenti biex janalizzaw u jiddiskutu s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ rigward l-awtonomija tagħhom, is-sehem tagħhom fis-soċjetà ċivili u l-ġid tagħhom u jiżviluppaw it-titjib meħtieġ fuq il-livelli kollha.

JISTIEDEN LILL-ORGANIZZAZZJONIJIET TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U LILL-PARTIJIET IKKONĊERNATI BIEX:

29.

Jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet offruti mill-Programm Erasmus+ u jippromwovu dan il-programm sabiex iż-żgħażagħ jiġu mgħammra bil-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti, jappoġġaw l-awtonomija tagħhom u jħeġġuhom jieħdu sehem b’mod attiv fis-soċjetà.

30.

Jgħarrfu liż-żgħażagħ dwar l-aċċess tagħhom għal drittijiet b’mod ġenerali u b’mod aktar speċifiku fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom u jistabbilixxu inizjattivi konkreti bħal servizzi ta’ informazzjoni sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet relatati mal-awtonomija tagħhom u l-aċċess tagħhom għad-drittijiet.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

31.

Tanalizza, fi ħdan l-istrumenti tal-qafas imġedded, is-sitwazzjoni u l-ostakli li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ fl-aċċess għad-drittijiet tagħhom fuq il-bażi ta’ kontributi volontarji mill-Istati Membri u anki bl-involviment ta’ esperti, dawk li jfasslu l-politika, rappreżentanti taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, din l-analiżi għandha tiġi rieżaminata b’mod regolari sabiex tgħin ukoll lill-Istati Membri fl-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajba.

32.

Issaħħaħ l-approċċ transsettorjali lejn il-politika dwar iż-żgħażagħ u tiżgura li l-Kummissjoni tikkunsidra l-aċċess taż-żgħażagħ għal drittijiet fl-iżvilupp ta’ politiki u programmi, fejn rilevanti.

33.

Tagħmel lin-nies iktar konxji minn kwistjonijiet marbuta mal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, inkluż l-awtonomija u l-aċċess għad-drittijiet, permezz tal-Portal Ewropew għaż-Żgħażagħ.

34.

Tipproponi u tiżviluppa miżuri mmirati biex iħeġġu s-sehem taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa. F’dan ir-rigward, għandha titqies il-ħidma mwettqa mill-Kunsill tal-Ewropa u s-sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u s-“Sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam taż-żgħażagħ”.

35.

Tqis il-ħidma fuq l-inklużjoni soċjali - b’enfasi fuq is-sensibilizzazzjoni, l-aċċess għad-drittijiet soċjali, u l-ġlieda kontra forom ġodda ta’ ksenofobija u diskriminazzjoni - li għaddejja fil-qafas miftiehem għas-“Sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam taż-żgħażagħ”.


(1)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ (2014/C 183/02).

(2)  Studju tal-EUROFOUND – “NEETs - Żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ: Karatteristiċi, spejjeż u risponsi politiċi fl-Ewropa” http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1254.htm

(3)  “Statistika deskrittiva għal persuni ta’ bejn 15 u 29 sena turi li NEET huma sostanzjalment anqas involuti fil-politika mill-bqija tal-popolazzjoni żagħżugħa” (Studju tal-EUROFOUND – “NEETs - Żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ: Karatteristiċi, spejjeż u tweġibiet politiċi fl-Ewropa”, p. 95) http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1254.htm

(4)  Kondizzjoni preliminari għall-awtonomija taż-żgħażagħ timplika li ż-żgħażagħ għandhom l-appoġġ, ir-riżorsi u l-opportunitajiet meħtieġa biex jagħżlu li jgħixu b’mod indipendenti, biex imexxu ħajjithom, biex jipparteċipaw soċjalment u politikament b’mod sħiħ fis-setturi kollha tal-ħajja ta’ kuljum, u biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet indipendenti. Il-kapaċità taż-żgħażagħ li jsiru awtonomi mhijiex biss inkorporata fil-qasam tax-xogħol, iżda tkopri wkoll il-kapaċità taż-żgħażagħ li jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom, jagħmlu l-għażliet tagħhom stess u jgħixu b’mod indipendenti permezz tal-għodod li għandhom biex jipparteċipaw b’mod kritiku u attiv fil-ħajja soċjali, politika u ekonomika tal-komunitajiet tagħhom stess.

(5)  Dok. 14429/14.

(6)  Dawn il-konklużjonijiet konġunti ġew adottati mill-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f’Ruma li hija avveniment informali rikorrenti organizzat mill-pajjiżi tal-Grupp tal-Presidenza bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea bħala parti integrali mid-djalogu strutturat kif adottat mill-Kunsill permezz tar-Riżoluzzjoni (2009/C 311/01) dwar il-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ u r-Riżoluzzjoni (2014/C 183/01) dwar il-ħarsa ġenerali tal-proċess ta’ djalogu strutturat inkluża l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ.

(7)  http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1404.htm

(8)  “Ħidma maż-żgħażagħ: il-valur tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-UE” (Kummissjoni Ewropea, 2014, http://ec.europa.eu/youth/library/study/youth-work-report_en.pdf).

(9)  Soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni li jipprovdi l-gvern lokali, li jistgħu jinkrew għal ammont żgħir ta’ flus.


Il-Kummissjoni Ewropea

21.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 18/5


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-20 ta’ Jannar 2015

(2015/C 18/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1579

JPY

Yen Ġappuniż

137,37

DKK

Krona Daniża

7,4351

GBP

Lira Sterlina

0,76370

SEK

Krona Żvediża

9,4297

CHF

Frank Żvizzeru

1,0087

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

8,8015

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,849

HUF

Forint Ungeriż

317,53

PLN

Zloty Pollakk

4,3275

RON

Leu Rumen

4,5093

TRY

Lira Turka

2,7010

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4123

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3910

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,9772

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5014

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5502

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 259,61

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

13,4621

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,1948

HRK

Kuna Kroata

7,7015

IDR

Rupiah Indoneżjan

14 535,84

MYR

Ringgit Malażjan

4,1771

PHP

Peso Filippin

51,632

RUB

Rouble Russu

75,3825

THB

Baht Tajlandiż

37,845

BRL

Real Brażiljan

3,0378

MXN

Peso Messikan

16,9308

INR

Rupi Indjan

71,4500


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

21.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 18/6


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 18/03)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“UVA DE MESA EMBOLSADA DEL VINALOPÓ”

Nru tal-KE: ES-PDO-0117-01032-22.8.2012

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Intestatura tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn (speċifika)

2.   Tip ta’ emenda

    Emenda tad-Dokument Uniku jew tas-Sommarju.

    Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tad-DPO jew l-IĠP rreġistrata, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku jew Sommarju.

    Emenda tal-Ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006).

    Emenda temporanja tal-Ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006).

3.   Emendi

(1)

L-ewwel emenda tikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ varjetajiet ġodda ta’ għenba: “Doña María”, “Dominga” u “Victoria” bħala għeneb abjad, u “Red Globe” bħala għeneb iswed.

Raġuni: Mindu nħolqot id-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Uva Embolsada del Vinalopó” fl-1989, ir-reġjun għadda minn ħafna tibdil minħabba żviluppi fil-metodi ta’ tkabbir, kif ukoll minħabba bidliet u adattamenti min-naħa tal-konsumaturi fil-konfront tas-suq.

Fil-bidu kienu jitkabbru l-varjetajiet “Aledo”, “Italia” jew “Ideal” u “Rossetti”. Dawn il-varjetajiet baqgħu jitkabbru, iżda tħawlu wkoll varjetajiet oħra f’firxa ta’ ettari ġodda.

Għal dawn il-varjetajiet il-ġodda ntużaw l-istess metodi ta’ tkabbir, u l-istess metodu ta’ tqartis f’borża tal-karti. Il-medda art li fiha tħawlu dawn il-varjetajiet il-ġodda hija kbira biżżejjed biex ikun jista’ jiġi konkluż li adattaw ruħhom b’mod sodisfaċenti.

Fil-fatt, il-frott prattikament iżomm l-inwar kollu tiegħu, għandu lewn iktar qawwi u qoxra mingħajr difetti.

F’dak li jirrigwarda l-kwalitajiet organolettiċi, il-varjetajiet “Victoria”, “Red Globe”, “Doña María” u “Dominga” ikollhom livell konsiderevoli ta’ ħlewwa mal-qtugħ tagħhom, u dan huwa konsistenti mal-varjetajiet protetti inizjalment (ċjoè “Aledo”, “Italia/Ideal” u “Rosetti”). Dawn il-varjetajiet kollha, mal-qtugħ tagħhom, ikollhom minimu ta’ 12,5oBrix.

Dawn il-karatteristiċi kollha (il-ħlewwa, iż-żamma tal-inwar, il-lewn qawwi, il-qoxra mingħajr difetti, u l-adattament għall-ambjent u għat-teknika ta’ tqartis fil-karti) jiġġustifikaw l-applikazzjoni għall-inklużjoni tal-varjetajiet il-ġodda fid-DPO “Uva de mesa embolsada del Vinalopó”.

Deskrizzjoni tal-varjetajiet:

Victoria: għanqud kbir, forma ta’ piramida, jiċkien lejn il-parti t’isfel. L-għenba hija ta’ lewn isfar xama’, kbira u ta’ forma ellittika. Il-polpa tqarmeċ, u fiha togħma ħelwa newtrali. Iżżomm tajjeb ħafna tul it-trasport. Tikber fuq kannizzati mimdudin u weqfin għoljin (“espalderas”). Tista’ tinqata’ fi tmiem Lulju, u fejn jintużaw metodi ffurzati, anki f’Ġunju. Hija varjetà li tgawdi minn ħafna vantaġġi meta titqartas f’borża, fosthom il-protezzjoni mill-għasafar u l-insetti, u fuq kollox l-iżgurar ta’ prodott ta’ kwalità għolja. Din il-varjetà tittollera t-tqartis, u b’hekk jinkisbu riżultati tajbin.

Dominga: Tista’ tinqata’ bejn Ottubru u tmiem Novembru. Titqartas dejjem f’borża, u dan jirriżulta fi sfumaturi uniformi ta’ kulur isfar kannamieli, u fi kwalità għolja li lill-konsumatur tinżillu għasel.

Doña María: Għenieqed kbar, b’forma konika u maħlula. L-għenba hija ta’ lewn isfar pallidu, kbira ħafna u ovali. Fiha togħma ħelwa ħafna. Issir bejn il-bidu ta’ Settembru u tmiem Ottubru. Tikber fuq kannizzati mimdudin għoljin u weqfin għoljin (“espladeras”) b’żewġ kordi. Hija varjetà li tiflaħ tajjeb ħafna t-tqartis f’borża.

Red Globe: Għenieqed kbar ħafna, ta’ forma ċilindrika konika, bi ġwienaħ ta’ tul bejn medju u twil, u relattivament maħlula. L-għenba tista’ tkun ħamra, ħamra lewn l-inbid, roża jew roża tagħti fil-vjola; hija sferika, kbira ħafna, b’togħma newtrali, polpa tqarmeċ, qoxra ħoxna, reżistenti u faċli biex titqaxxar. Tikber fuq kannizzati mimdudin għoljin u weqfin għoljin (“espladeras”) b’żewġ kordi. Hija varjetà li adattat ruħha perfettament għall-kundizzjonijiet taż-żona u għat-tqartis f’borża.

(2)

It-tieni emenda tikkonsisti fit-tneħħija tad-deskrizzjoni ta’ prattika ta’ kultivazzjoni marbuta maż-żbir.

L-informazzjoni li tħassret hija din li ġejja:

“Il-kannizzati weqfin għoljin (‘espalderas’) jinżabru ‘fuq il-qasab’ (‘en asta’), jiġifieri jintuża l-metodu ta’ żbir Guyot b’żewġ dirgħajn, ċjoè bejn 12 u 14-il rimja f’kull dielja. Il-kannizzati mimdudin ikollhom 4 dirgħajn, kull driegħ b’bejn 4 u 6 pulzieri, u kull pulzier b’bejn 2 u 4 rimjiet.”

Raġuni: Din l-informazzjoni, li tirreferi għaż-żbir, il-pulzieri f’kull driegħ u r-rimjiet f’kull pulzier, mhijiex rilevanti għall-ksib tal-“Uva de mesa embolsada del Vinalopó” bil-karatteristiki distinti tagħha. Barra minn hekk, bejn l-1996 meta tressqet l-applikazzjoni oriġinali u llum, bl-esperjenza li nkisbet fit-tkabbir tal-prodott, mhuwiex ta’ interess li t-tip ta’ żbir ikun limitat esklussivament għal dak deskritt fl-Ispeċifikazzjoni oriġinali. Billi hija prattika ta’ kultivazzjoni speċifika ħafna u mhix rilevanti għall-ksib tal-prodott bil-karatteristiki distinti tiegħu, qed jintalab li din l-informazzjoni ma tiġix inkluża fl-Ispeċifikazzjoni l-ġdida.

(3)

It-tielet emenda tikkonsisti fit-tneħħija tad-deskrizzjoni tal-kategoriji tal-għenba “Extra” u “Primera”.

L-informazzjoni li tħassret hija din li ġejja:

“Kategoriji Extra u Primera kif iddefiniti fir-Regolament (KEE) Nru 1730/87 u fl-Orden Ministerial tal-24 ta’ Novembru 1982 (B.O.E. - il-Ġurnal Uffiċjali ta’ Spanja, is-27 ta’ Novembru 1982).

Il-Kategorija ‘Extra’:

L-għenba ta’ din il-kategorija hija tal-ogħla kwalità. L-għenieqed għandhom il-forma u l-iżvilupp karatteristiċi tal-varjetà, u huma ħielsa minn kull difett.

Il-kulur tagħhom huwa uniformi, bi sfumatura safra xama’ pallida.

L-għenbiet huma ibsin, mehmuża sew u mqassmin b’bilanċ maz-zokk, u l-inwar prattikament jibqa’ sħiħ. Piż minimu ta’ għanqud: 200 g ± 5 % fil-piż tal-għenieqed li ma jilħqux ir-rekwiżiti għal din il-kategorija, iżda li jilħqu dawk tal-Kategorija ‘Primera’.

Hija permess tolleranza ta’ 10 % fil-piż tal-għenieqed li ma jilħqux ir-rekwiżiti ta’ daqs għall-Kategorija ‘Extra’, iżda li jilħqu r-rekwiżiti ta’ ppakkjar għall-Kategorija ‘Primera’.

Il-Kategorija ‘Primera’:

L-għeneb ta’ din il-kategorija huwa ta’ kwalità tajba. L-għenieqed għandhom il-forma u l-iżvilupp karatteristiċi tal-varjetà. Il-kulur tagħhom huwa uniformi, bi sfumatura safra xama’.

L-għenbiet huma sodi, mehmuża sew maz-zokk, u safejn possibbli huma koperti bl-inwar. Madankollu, jistgħu jkunu mqassma tul iz-zokk b’mod inqas uniformi milli fil-Kategorija ‘Extra’, filwaqt li jiġu permessi deformazzjonijiet ċkejknin u xi difetti ta’ kulur.

Piż minimu ta’ għanqud: 150 g”

Raġuni: Id-definizzjoni tal-kategoriji “Extra” u “Primera”, u t-tolleranzi tagħhom kif indikat fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-DPO “Uva de mesa embolsada del Vinalopó”, kienu jinstabu fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1730/87 tat-22 ta’ Ġunju 1987 jipprovdi għall-livelli ta’ kwalità għall-għeneb tal-mejda (3), li llum huwa dderogat. Barra minn hekk, dan it-tip ta’ standard huwa ġenerali, jiġifieri jgħoddu għall-għenbiet kollha; mhuwiex standard speċifiku, maħsub għall-għeneb tad-DPO “Uva de mesa embolsada del Vinalopó”. Fl-aħħar nett, għandu jitqies li dan it-tip ta’ standard jista’ jinbidel maż-żmien, u għalhekk ma jagħmilx sens li tali standards jiġu riflessi fid-deskrizzjoni ddettaljata tal-kategorija.

DOKUMENT UNIKU

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikolu u l-oġġetti tal-ikel  (4)

“UVA DE MESA EMBOLSADA DEL VINALOPÓ”

Nru tal-KE: ES-PDO-0117-01032-22.8.2012

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Uva de mesa embolsada del Vinalopó”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6.; Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati.

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-varjetajiet adatti għall-protezzjoni bid-Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini huma esklussivament dawn li ġejjin:

Għeneb abjad:

Aledo: Għenieqed kbar u maħlula. Għenba ellipsojdali, lewn isfar xama’. Qoxra ħoxna u tqarmeċ. Maturazzjoni tard, bejn Novembru u Diċembru.

Italia jew Ideal: Għenieqed ta’ daqs medju, b’għenbiet kbar ta’ lewn isfar deheb u forma elittika, polpa tqarmeċ u togħma ħafifa ta’ muskatell. Il-qtugħ isir bejn Settembru u Ottubru.

Rosetti: Għenieqed kbar, ta’ forma ċilindrika-konika jew piramidali. L-għenbiet ikunu ta’ lewn bejn isfar xama’ u isfar deheb. L-għenba hija kbira, b’togħma newtra iżda ħelwa ħafna, u b’polpa tqarmeċ. Il-qoxra hija rqiqa, u fiha konsistenza ta’ nwar. Il-qtugħ isir bejn il-bidu ta’ Settembru u tmiem Ottubru.

Victoria: Għenieqed kbar, ta’ forma piramidali li tiċkien fil-parti t’isfel. L-għenba hija ta’ lewn isfar xama’, hi kbira u ta’ forma ellittika. Il-polpa tqarmeċ, u fiha togħma ħelwa newtra. Hija varjetà reżistenti, li tista’ titkabbar kemm f’kannizzata mimduda u kemm f’kannizzata wieqfa għolja. Tista’ tinqata’ fi tmiem Lulju, u fejn jintużaw metodi ffurzati, anki f’Ġunju.

Dominga: Tista’ tinqata’ bejn Ottubru u tmiem Novembru. L-għenbiet ikunu ta’ lewn isfar kannamieli uniformi ħafna, huma ta’ kwalità għolja u lill-konsumatur jinżillu għasel.

Doña María: Għenieqed kbar, b’forma konika u maħlula ħafna. L-għenba hija ta’ lewn isfar pallidu, kbira ħafna u ovali. Fiha togħma ħelwa ħafna. Il-maturazzjoni ssir bejn il-bidu ta’ Settembru u tmiem Ottubru. Tikber fuq kannizzati mimdudin għoljin u weqfin għoljin (“espladeras”) b’żewġ kordi.

Għeneb iswed:

Red-Globe: Għenieqed kbar ħafna, ta’ forma ċilindrika konika, bi ġwienaħ ta’ tul bejn medju u twil, u relattivament maħlula. L-għenba tista’ tkun ħamra, ħamra nbid, roża jew roża tagħti fil-vjola; hija sferika, kbira ħafna, b’togħma newtra, polpa tqarmeċ, qoxra ħoxna, reżistenti u faċli biex titqaxxar. Tikber fuq kannizzati mimdudin għoljin u weqfin għoljin (“espladeras”) b’żewġ kordi.

Dawn il-varjetajiet huma karatterizzati minn livell għoli ta’ ħlewwa, b’minimu ta’ 12,5oBrix.

Il-frott, ikunx tal-kategorija “Extra” jew “Primera”, għandu jkollu l-karatteristiki li ġejjin:

b’saħħtu

nadif,

mingħajr materja barranija,

mingħajr marki minn attakki ta’ insetti jew mard,

mingħajr sinjali viżibbli ta’ moffa,

ħieles minn umdità esterna anormali,

mingħajr riħa jew togħma barranija.

L-għenbiet għandhom ikunu:

iffurmati sew,

żviluppati b’mod normali,

mehmuża maz-zokk.

L-“Uva de mesa embolsada del Vinalopó” hija kkaratterizzata billi żżomm prattikament l-inwar kollu, kif ukoll bi sfumatura ta’ kulur iktar qawwija, u qoxra ħielsa mid-difetti.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss)

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-produzzjoni u l-ħsad.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Fuq l-iskrizzjonijiet, il-marki jew it-tikketti li jidentifikaw l-“Uva de mesa embolsada del Vinalopó” għandu jidher b’mod obbligatorju s-simbolu uffiċjali tal-UE għad-denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini, flimkien mal-kliem “Denominación de origen protegida” u “Uva de mesa embolsada del Vinalopó”.

Barra minn hekk, il-prodott għandu jkollu marka tal-konformità, fil-forma ta’ tikketta ta’ wara identifikata b’kodiċi alfanumeriku, li għandha titwaħħal mill-azjenda ta’ ppakkjar b’mod li ma tkunx tista’ terġa’ tintuża, u b’hekk tiggarantixxi t-traċċabbiltà tal-prodott. Fuq tali tikketta ta’ wara għandu jidher il-kliem “Denominación de Origen Protegida Uva de mesa embolsada del Vinalopó” u l-logo tagħha.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-għeneb kopert mid-Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini “Uva de mesa embolsada Vinalopó” tinkludi r-raba’ kollu mniżżel fir-Reġistru tar-raba’ tal-impriża ta’ ġestjoni tad-DPO, li jinsab fil-muniċipalitajiet li ġejjin tal-provinċja ta’ Alicante: Agost, Aspe, Hondón de los Frailes, Hondón de las Nieves, Monforte del Cid, Novelda u La Romana.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Fatturi naturali

Fir-reġjun ta’ Vinalopó Medio jiltaqgħu t-tliet tipi ta’ klima Mediterranja preżenti fil-provinċja ta’ Alicante, jiġifieri l-klima marittima, dik moderata u dik subtropikali.

Bis-saħħa ta’ din il-klima, it-temperaturi f’din iż-żona rari jinżlu taħt iż-0 °C, bl-ikbar riskju ta’ ġlata fiż-żoni ta’ altitudni baxxa orjentati lejn it-Tramuntana u l-Majjistral.

Fejn tidħol il-preċipitazzjoni, hemm kuntrasti wiesa’: nixfiet u għargħar, u livell għoli ta’ irregolarità fix-xita minn sena għal oħra.

Il-ħamrija fiha l-ġir, u l-litoloġija tagħha tinkludi safef imtarrġa ta’ żrar minn sedimenti kontinentali, sedimenti tal-baħar, molassi, ġir, u lom bl-arseniku u bil-ġir. Il-ħamrija kollha tal-wied ta’ Vinalopó fiha kontenut għoli ta’ karbonat tal-kalċju, bi ftit li xejn materja organika.

It-topografija tar-reġjun hija kkundizzjonata mill-wied tal-Vinalopó u l-widien ta’ ħdejh, li flimkien jiffurmaw kuritur wiesa’ li jmur mill-Grigal għax-Xlokk u li jaqsam il-falda tal-katina ta’ muntanji “Prebética” li minnha tgħaddi x-xmara Vinalopó.

Fatturi umani

It-tqartis f’borża tal-għeneb tal-ikel huwa teknika speċjali li ssir “esklussivament” fir-reġjun tal-Medio-Vinalopó, fil-muniċipalitajiet imsemmija aktar ‘il fuq. Din il-prattika bdiet fil-muniċipalità ta’ Novelda madwar l-1920, bil-għan li l-għenieqed jitħarsu mill-baħrija tal-għeneb bl-użu ta’ boroż tal-karta.

Il-prattika tikkonsisti fit-tqartis ta’ borża tal-karta fuq kull għanqud, li tibqa’ fuqu sal-mument tal-ippakkjar.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Karatteristika ewlenija tad-DPO “Uva de mesa embolsada del Vinalopó” hija li żżomm prattikament l-inwar kollu tiegħu. L-għenbiet jiddistingwu ruħhom bil-lewn iktar qawwi tagħhom, u bil-qoxra ħielsa mid-difetti.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

L-“Uva de mesa embolsada del Vinalopó” għandha karatteristiki distinti bis-saħħa tal-kombinament ta’ fatturi naturali u fatturi umani:

Iż-żona protetta għandha klima Mediterranja, b’temperaturi moderati matul is-sena li jagħtu lill-għenbiet il-lewn iktar qawwi tagħhom.

It-topografija tar-reġjun tal-Vinalopó, ikkaratterizzata minn widien li jiltaqgħu biex jiffurmaw kuritur, tiffavorixxi n-nuqqas ta’ ġlata, u b’hekk tikkontribwixxi għal-lewn iktar qawwi tal-frott.

Min-naħa tagħha, it-teknika tat-tqartis f’borża tipproteġi lill-għeneb, b’mod li l-għenbiet iżommu l-inwar kważi kollu tagħhom, kif ukoll qoxra ħielsa mid-difetti.

Din hija teknika speċjali, u tul iż-żmien ġiet skoperta l-importanza tal-karta li għandha tintuża: il-karta hija magħmula minn fibri twal taċ-ċelluloża bil-melanina għal kontra l-umdità, għandha mis-satin u hija ta’ lewn il-kannamieli. Din il-karta hija parzjalment responsabbli wkoll għal-lewn iktar qawwi tal-għenbiet.

Din it-tip ta’ karta ddum iktar u tbiegħed iktar l-ilma tax-xita, u b’hekk tipprevjeni d-difetti fil-qoxra tal-għenbiet. Mill-banda l-oħra, ċerti għenbiet fil-quċċata tal-għanqud jistgħu jinħarqu bil-borża fuqhom jekk it-temperaturi jitilgħu ħafna. L-għarfien tal-klima taż-żona huwa essenzjali għall-prattika tajba tat-tqegħid tal-boroż.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (5))

http://www.agricultura.gva.es/pc_uvavinalopo


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12 (Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012).

(3)  ĠU L 163, 23.6.1987, p. 25.

(4)  Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(5)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 4.


21.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 18/12


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 18/04)

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“PECORINO TOSCANO”

Nru tal-KE: IT-PDO-0217-01228-16.5.2014

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni affettwata mill-emenda

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Provi tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn [għandu jiġi ppreċiżat skont kif ikun il-każ]

2.   Tip ta’ emenda

    Emenda tad-Dokument Uniku jew tas-Sommarju

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni tad-DPO jew tal-IĠP irreġistrati, li għalihom ma ġie ppubblikat l-ebda dokument uniku jew sommarju

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-Dokument Uniku ppublikat (Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta minn miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi (Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emenda/i

Tip ta’ prodott:

Deskrizzjoni tal-prodott

Ġie speċifikat li l-ġobon artab huwa l-Pecorino Toscano artab u l-ġobon iebes huwa l-Pecorino Toscano maturat.

Iddaħħlet il-frażi “Biex tiġi evitata l-ħela mill-ipproċessar, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-piż u tal-għoli msemmija hawn fuq, il-produzzjoni tal-Pecorino Toscano f’għamla differenti minn dik ċilindrika hija aċċettata għall-prodott destinat esklussivament għall-ippakkjar (it-tqattigħ f’biċċiet jew f’dadi, it-tħakkik)”.

L-emenda tad-dehra esterna tal-Pecorino Toscano tapplika biss għall-prodott destinat biex ikun ippakkjat imqatta’ f’biċċiet, dadi u maħkuk.

Tali emenda ma għandhiex effett fuq il-karatteristiċi interni peress li ma tinbidilx ir-rabta bejn il-piż u l-għoli, filwaqt li jinbidel id-dijametru taċ-ċirku fil-qies tal-ġenb tal-parallelepipedu. B’hekk, il-proċessi naturali tal-maturazzjoni ma jinbidlux, filwaqt li l-ħela mill-ipproċessar riżultat tal-qtugħ titnaqqas b’mod notevoli

Metodu ta’ produzzjoni

Iddaħħlet il-possibbiltà tal-użu tat-tames veġetali, prattika antika fit-Toskana tal-produzzjoni tal-ġobon tan-nagħaġ (imsemmi diġà fit-talba ta’ reġistrazzjoni fil-livell nazzjonali mressqa fl-1985) li reġgħet ġiet adottata dan l-aħħar kemm bħala prattika tipika tat-territorju kif ukoll għall-produzzjoni ta’ ġobon destinat għas-swieq Koxer.

Ingħata aktar dettall dwar il-possibbiltà tat-tmelliħ fin-niexef, li ssemmiet fit-test preċedenti bħala “żieda diretta tal-melħ”.

Fl-ispeċifikazzjonijiet tal-maturazzjoni il-kelma “ċelel” inbidlet u minflokha hemm “ambjent xieraq”, it-temperatura massima żdiedet minn 12 °C għal 15 °C filwaqt li l-limitu massimu tal-umdità żdied minn 90 % għal 95 %.

L-għan ta’ dawn il-bidliet huwa li jitwessa’ bi ftit l-intervall tal-kundizzjonijiet tat-temperatura u l-umdità relattiva tal-ambjenti maħsuba għall-maturazzjoni tal-Pecorino Toscano, biex tkun possibbli l-maturazzjoni anki f’ambjenti bħall-kantini u l-għerien naturali u/jew mibdula mill-bniedem, iżda li huma neqsin minn sistemi ta’ kontroll estern tat-temperatura u l-umdità. Fost l-għadd kbir ta’ għerien u kantini li rriżultaw li huma xierqa għall-maturazzjoni tal-Pecorino Toscano peress li jippermettu l-kisba ta’ ġobon bil-karatteristiċi li jaqblu b’mod sħiħ mal-istandard tal-prodott, ġie mkejjel li xi wħud minnhom jistgħu jkollhom temperatura (massimu ta’ 15 °C) u umdità (massimu ta’ 95 %) ftit ogħla għal dawk li s’issa huma previsti fir-reġistru. L-użu ta’ kantini u għerien għall-maturazzjoni huwa wkoll tipiku u karatteristiku fis-settur tal-ħalib, mhux fil-Pecorino Toscano biss, u l-possibbiltà li tali postijiet jintużaw iżid il-potenzjalità tal-valurizzazzjoni tal-prodott barra milli joffri vantaġġ mil-lat tal-iffrankar enerġetiku.

Tikkettar

Il-marka li għandha titqiegħed fuq it-tikketta tbiddlet b’tali mod li d-denominazzjoni Pecorino Toscano tidher aktar fuq il-logo.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

“PECORINO TOSCANO”

Nru tal-KE: IT-PDO-0217-01228-16.5.2014

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Pecorino Toscano”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott:

Klassi 1.3. Ġobnijiet

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-Pecorino Toscano huwa ġobon mill-ħalib sħiħ tan-nagħaġ miż-żona tal-produzzjoni, il-ġobon artab huwa l-Pecorino Toscano artab u l-ġobon iebes huwa l-Pecorino Toscano maturat u li għandhom konsistenza karatteristika, b’maturazzjoni qasira jew twila skont jekk ikunx maħsub biex jittiekel f’għamla sħiħa jew maħkuk, b’forma ċilindrika bi ġnub ċatti b’qoxra ftit ibbuzzata “l barra, bid-daqsijiet li ġejjin: id-dijametru tal-ġnub minn 15 sa 22 cm, għoli tal-qoxra minn 7 sa 11-il cm, b’piż bejn 0,75 sa 3,50 kg, barra minn hekk, għall-prodott maħsub għall-ippakkjar (it-tqattigħ f’biċċiet jew f’dadi, it-tħakkik), hija permessal-produzzjoni tal-Pecorino Toscano f’għamla differenti minn dik ċilindrika b’kontenut ta’ xaħam fis-sustanza niexfa ta’ mhux anqas minn 40 % għall-prodott semi-iebes u mhux anqas minn 45 % għal dak artab. Il-qoxra għandha lewn isfar b’diversi tonalitajiet, sal-isfar qawwi; il-lewn tal-qoxra jista” jiddependi mit-trattament li minnu tkun għaddiet il-ġobna; il-lewn tal-ġobon minn ġewwa huwa kkaratterizzat mill-abjad li jxaqleb lejn qamħet il-lewn għat-tip artab, u għat-tip semi-iebes lewn kemxejn qamħet il-lewn jew qamħet il-lewn. Il-ġobon minn ġewwa għandu struttura kompatta u li tirreżisti l-qtugħ għat-tip semi-iebes, li jista’ jkollu dbabar żgħar imferrxin b’mod mhux regolari. Il-ġobon għandu togħma tajba, u aċċentwata, karatteristika mill-metodi partikolari tal-produzzjoni. Il-perjodu ta’ maturazzjoni huwa tal-anqas 20 jum għat-tip artab, filwaqt li għat-tip semi-iebes tal-anqas erba’ xhur.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-Pecorino Toscano jiġi prodott bil-ħalib tan-nagħaġ sħiħ li ġej miż-żona ta’ oriġini prevista fir-reġistru. Jista’ jinħadem mhux imsaħħan jew mgħolli jew inkella jista’ jgħaddi minn trattament tas-sħana, il-pasturizzazzjoni. Huwa permess l-użu ta’ fermenti awtoktoni miksuba mill-ispeċi tat-teka.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

L-għalf jeħtieġ li jkun magħmul minn ħaxix aħdar jew imnixxef minn mergħat naturali taż-żona, bil-possibbiltà ta’ tiben u għalf sempliċi konċentrat.

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-passi kollha tal-produzzjoni tal-ħalib u tal-produzzjoni tal-Pecorino Toscano għandhom iseħħu fiż-żona ta’ oriġini, sakemm jasal għall-kummerċjalizzazzjoni (20 jum għat-tip artab u 4 xhur għat-tip maturat).

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-“Pecorino Toscano” jista’ jitqiegħed fis-suq f’għamla sħiħa, f’biċċiet jew maħkuk.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Fuq kull ġobna f’għamla sħiħa ta’ Pecorino Toscano għandu jidher il-logo identifikattiv tad-DPO stampat bil-linka fuq il-ġobon artab jew stampat bis-sħana fuq il-ġobon maturat. Il-logo fih il-kitba Pecorino Toscano DOP, l-ixbieha stilizzata tal-ittri P u T u n-numru identifikattiv tal-prodottur tal-ħalib u tal-prodottur responsabbli għall-maturazzjoni jew tal-produttur awtorizzat li jippakkja l-ġobon fiż-żona ta’ oriġini. Jekk il-produttur awtorizzat li jippakkja ma jkunx jopera fiż-żona ta’ oriġini, in-numru jkun jidentifika l-prodottur tal-ħalib jew il-produttur responsabbli mill-maturazzjoni.

Image

Fuq kull tikketta mwaħħla fuq ġobniet sħaħ, biċċiet, flieli jew ġobon maħkuk, għandha tidher il-kitba Pecorino Toscano D.O.P. jew Pecorino Toscano D.O.P. stagionato li għandha tkun dik li tidher l-aktar fost dak kollu li jidher fuq it-tikketta, kemm bħala d-daqs tat-tipa kif ukoll bħala pożizzjoni. Il-marka bil-kulur, kif stipulat fl-Artikolu 5 tar-reġistru tal-produzzjoni, għandha tidher darba waħda jew aktar, fil-qisien minimi ta’ dijametru ta’ 15-il mm.

Image

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tad-DOP Pecorino Toscano tinfirex fuq it-territorju kollu tar-reġjun tat-Toskana, it-territorju kollu tal-komuni ta’ Allerona u Castiglione del Lago, li jinsabu fir-reġjun tal-Umbrija, kif ukoll it-territorju kollu tal-komuni ta’ Acquapendente, Onano, San Lorenzo Nuovo, Grotte di Castro, Gradoli, Valentano, Farnese, Ischia di Castro, Montefiascone, Bolsena u Capodimonte, li jinsabu fir-reġjun tal-Lazjo.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Għall-fatturi naturali, huma enfasizzati l-karatteristiċi partikolari taż-żoni maħsuba għat-trobbija tan-nagħaġ, kważi kollha fil-miftuħ, bl-użu ta’ mergħat naturali, mogħnija b’veġetazzjoni naturali li lill-ħalib maħsub għall-produzzjoni tal-ġobon tagħtih kwalitajiet partikolari.

F’dak li jirrigwarda l-fattur uman, minbarra r-rilevanza ekonomika li tixhidha l-istorja, għandu jingħad li l-azjendi tar-ragħa involuti huma kkaratterizzati mill-aspetti soċjoloġiċi marbuta mal-isfruttament ta’ artijiet hekk imsejħa marġinali, li kieku ma kellhomx dan l-użu maż-żmien kienu jintelqu u jiftaqru bħala riżorsa naturali.

Il-metodu tat-trobbija u l-veġetazzjoni naturali u mkabbra mill-bniedem li jiffurmaw l-għalf ewlieni tal-bhejjem, jagħtu lill-ħalib u lill-prodott lest, flimkien mal-metodu tal-kisba li jirrispetta l-kwalitajiet kollha tal-ħalib tan-nagħaġ mit-temperaturi waqt il-ħidma sal-metodu ta’ maturità, dawk il-karatteristiċi speċifiċi li ddefinew minn dejjem il-Pecorino Toscano bħala prodott “ħelu”.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Qoxra ta’ lewn isfar.

It-togħma hija ħelwa u qatt ma tkun qawwija jew pikkanti.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

Il-ġobon huwa ta’ oriġini antika ferm, li jixhduha l-għadd kbir ta’ referenzi storiċi sa minn żmien l-Etruski. Matul is-sekli, infirex fiż-żona msejħa l-“Maremma”, li l-biċċa l-kbira tagħha tinsab fir-reġjun tat-Toskana. Tradizzjonalment, il-prodott kien jissejjaħ b’ismijiet marbuta mal-oriġini ġeografika, jew bid-denominazzjoni aktar ġenerali “toscano”. Biż-żmien, minħabba l-karatteristiċi sostanzjalment komuni, ħadu s-sura kemm standard uniku tal-produzzjoni, kif ukoll isem etimoloġikament marbut mal-matriċi storika u ġeografika prevalenti.

Il-karatteristiċi partikolari tal-Pecorino Toscano ġejjin kemm mill-ħalib tan-nagħaġ kif ukoll mill-metodu tal-produzzjoni. Il-bhejjem jirgħu kważi s-sena kollha, jieħdu mill-veġetazzjoni naturali jew dik mkabbra mill-bniedem dawk it-togħmiet u l-aromi karatteristiċi tal-klima taż-żona ta’ oriġini, li mhumiex eżaġerati iżda distintivi fl-istess waqt. It-togħma kemxejn qawwija tal-ħalib tan-nagħġa joħla minħabba t-tip tal-klima u tal-mergħat, li jinfluwenzaw b’mod pożittiv il-ħajja tal-bhejjem u b’hekk il-produzzjoni tagħhom. Tali karatteristiċi huma mħarsa fil-metodu tal-ipproċessar, b’temperaturi li huma bħal dawk misjuba fil-beżżula, bl-użu tradizzjonali tat-tames tal-għoġol, it-tmelliħ minimu u t-temperatura tal-maturazzjoni li tirrispetta l-attivitajiet naturali tal-fermenti. F’konformità mat-tradizzjonijiet Toskani, anki fil-maturazzjonijiet twal, il-ġobon iżomm togħma distintiva imma mhux qawwija żżejjed, li jippermetti lill-Pecorino Toscano li jaddatta għall-gosti kollha.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5, paragrafu 7, tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

L-Amministrazzjoni attwali nediet il-proċedura ta’ oġġezzjoni nazzjonali bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tad-DPO “Pecorino Toscano” fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 74 tad-29 ta’ Marzu 2014.

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit tal-Internet li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew

billi wieħed imur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Politika Agrikola, dwar l-Ikel u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u jagħfas fuq “Prodotti DOP IGP” (in-naħa ta’ fuq fuq il-lemin tal-iskrin), u mbagħad fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fil-ġenb, fuq ix-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Sositwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 2.