ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 468

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
31 ta' Diċembru 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 468/01

Rata tal-kambju tal-euro

1

 

V   Avviżi

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 468/02

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2

2014/C 468/03

Pubblikazzjoni ta’ talba għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

10

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

31.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 468/1


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-30 ta’ Diċembru 2014

(2014/C 468/01)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,2160

JPY

Yen Ġappuniż

145,41

DKK

Krona Daniża

7,4436

GBP

Lira Sterlina

0,78230

SEK

Krona Żvediża

9,4746

CHF

Frank Żvizzeru

1,2028

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,0420

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,728

HUF

Forint Ungeriż

314,98

LTL

Litas Litwan

3,45280

PLN

Zloty Pollakk

4,3103

RON

Leu Rumen

4,4847

TRY

Lira Turka

2,8587

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4878

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4132

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,4340

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5536

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6085

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 334,19

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

14,1487

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,5442

HRK

Kuna Kroata

7,6598

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 099,67

MYR

Ringgit Malażjan

4,2559

PHP

Peso Filippin

54,420

RUB

Rouble Russu

69,1315

THB

Baht Tajlandiż

40,019

BRL

Real Brażiljan

3,2394

MXN

Peso Messikan

17,9293

INR

Rupi Indjan

77,1686


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

31.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 468/2


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2014/C 468/02)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦAL EMEND

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“CHEVROTIN”

Nru tal-KE: FR-PDO-0105-0970-23.2.2012

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Intestatura fl-Ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn: ippakkjar

2.   Tip ta’ emenda/i

    Emenda għad-Dokument Uniku jew għas-Sommarju

    Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DPO jew IĠP irreġistrata li għaliha jkun ġie rreġistrat l-ebda Dokument Uniku

    Emenda għall-Ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-Dokument Uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    Emenda temporanja għall-Ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emenda/i

3.1.   Deskrizzjoni tal-prodott

Id-deskrizzjoni tal-ġobon ippressat ġiet ippreċiżata biex tispjega aħjar il-karatteristiċi tal-prodott.

Tnaqqas il-kontenut ta’ materja grassa fil-materja niexfa: 40 % flok 45 %. Dan it-tnaqqis sar minħabba l-varjazzjonijiet osservati fil-perċentwal ta’ materja grassa tal-ħalib skont il-kundizzjonijiet ta’ ragħa tal-mogħoż. Billi l-ħalib jintuża kuljum, il-kontenut tal-ġobon jaf ivarja b’mod konsiderevoli. Dan il-fattur ma kienx tqies sew fil-passat.

3.2.   Żona ġeografika

Parti mit-territorju tal-muniċipalità ta’ Annecy le Vieux tiddaħħal fiż-żona ġeografika ddefinita. Wara talba mingħand operatur biex tali parti mit-territorju tiġi inkluża fiż-żona, ġew applikati l-kriterji ta’ delimitazzjoni stabbiliti għad-definizzjoni inizjali taż-żona ġeografika. Il-kummissjoni ta’ esperti responsabbli għall-istudju tad-delimitazzjoni approvat l-inklużjoni ta’ tali parti mit-territorju tal-muniċipalità ta’ Annecy le Vieux.

Id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi taż-żona ġeografika nkitbet mill-ġdid u saret parti mill-kapitlu “Elementi li jiġġustifikaw ir-rabta maż-żona ġeografika”.

3.3.   Prova tal-oriġini

Ġew ippreċiżati l-obbligi tal-operaturi f’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet. Dawn l-emendi huma marbuta mar-riforma tas-sistema ta’ kontroll tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini introdotta bid-Digriet Nru 2006-1547 tas-7 ta’ Diċembru 2006 dwar il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli, tal-foresti jew tal-ikel u l-prodotti tal-baħar. B’mod speċifiku, ġiet prevista l-identifikazzjoni tal-operaturi sabiex tiġi rikonoxxuta l-kapaċità tagħhom li jilħqu r-rekwiżiti tal-Ispeċifikazzjoni, kif talbu l-operaturi stess, u ġew previsti d-dikjarazzjonijiet meħtieġa għal tali rikonoxximent, kif ukoll is-segwitu tal-prodotti maħsubin għat-tqegħid fis-suq b’denominazzjoni ta’ oriġini, u d-dikjarazzjonijiet marbutin mal-għalf tal-annimali.

Żdiedet dispożizzjoni dwar il-kontroll tal-prodotti biex tiġi vverifikata l-kwalità fi tmiem il-katina tal-produzzjoni.

Ġie ppreċiżat li t-tikketta ta’ identifikazzjoni mwaħħla fuq il-ġobniet hija ta’ forma tonda.

3.4.   Metodu ta’ produzzjoni

Il-produzzjoni tal-ħalib

Ġiet ippreċiżata d-definizzjoni tal-merħla skont it-test nazzjonali korrispondenti għall-Ispeċifikazzjoni preċedenti rreġistrata: “Għall-għanijiet ta’ din l-Ispeċifikazzjoni, ‘merħla’ għandha tinftiehem bħala grupp kollu tal-mogħoż, inklużi l-mogħoż li qed ireddgħu, il-mogħoż xotti, il-gidjien nisa u l-bdabad.”

Ġie kkoreġut żball fit-traskrizzjoni tat-test nazzjonali, il-proporzjon ta’ 80 % tal-annimali li huma tar-razza Alpina, perċentwal li jirreferi għall-merħla u mhux biss għall-mogħoż femminili.

Saret preċiżazzjoni fir-rigward tar-razza tal-mogħoż utilizzati. Fil-fatt, billi r-razza Alpina hija magħmula minn għadd ta’ fenotipi li jvarjaw mill-kamoxxa għal tas-suf iswed b’tikek bojod (“pie noir”) jew iswed għalkollox, l-emenda tippreċiża għall-operaturi l-fenotipi li jistgħu jintużaw. Fit-taħdit ta’ kuljum, dawk il-fenotipi differenti mill-kamoxxa jiġu identifikati bħala “Chèvres des Savoie” (mogħoż tas-Savoja).

Biex jiġi ffaċilitat il-kontroll, il-kalkolu tal-limitu tal-produzzjoni medja għal kull mogħża tredda’ huwa ppreċiżat abbażi tat-test nazzjonali marbut mal-Ispeċifikazzjoni preċedenti rreġistrata.

F’dak li jirrigwarda l-għalf

Tfasslet lista tal-foraġġi awtorizzati u tal-materja prima u l-addittivi li jistgħu jintużaw fil-kompożizzjoni tal-għalf supplimentari, bil-għan li tiġi rregolata n-natura tal-għalf u jiġi ffaċilitat il-kontroll.

B’mod partikulari, saret preċiżazzjoni fir-rigward tal-għalf li jaqa’ fil-kategorija tal-foraġġi, fejn żdiedu l-foraġġi deżidratati. B’hekk ġew iddefiniti aħjar it-tipi ta’ għalf mogħtija lill-mogħoż.

Ġew ippreċiżati wkoll il-livelli massimi ta’ għalf supplimentari u ta’ foraġġi deżidratati, sabiex jiġi evitat li dawn jieħdu post il-ħaxix fl-alimentazzjoni tal-mogħoż. B’hekk il-livell ta’ għalf supplimentari għall-mogħoż ireddgħu ġie limitat għal 300 gramma għal kull litru ta’ ħalib prodott, filwaqt li l-livell ta’ foraġġi deżidratati ġie limitat għal 500 gramma għal kull litru ta’ ħalib prodott.

Ġiet ippreċiżata l-possibbiltà li l-foraġġi deżidratati jkunu joriġinaw minn barra ż-żona ġeografika ddefinita, sabiex jiġi ffaċilitat il-kontroll tal-oriġini tat-totalità tal-għalf.

Iddaħħlu xi dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-użu ta’ għalf ġenetikament immodifikat u t-tħawwil ta’ wċuħ tar-raba tranżġeniċi fil-mergħat, sabiex tinżamm ir-rabta mat-territorju.

Biex jiġi ggarantit għalf ta’ kwalità għolja għall-mogħoż, ġie ppreċiżat li l-għalf kollu jinħażen f’kundizzjonijiet li jirrispettaw l-integrità tiegħu.

Ġew ippreċiżati l-istandards għat-tifrix ta’ fertilizzanti fl-għelieqi maħsubin biex jipproduċu l-għalf tal-mogħoż, billi l-kontributi organiċi jistgħu jimmodifikaw il-kompożizzjoni tal-flora tal-mergħat; b’hekk tinżamm flora naturali ddiversifikata, u tibqa’ sħiħa r-rabta maż-żona ġeografika ddefinita.

“L-uniċi fertilizzanti organiċi awtorizzati, li għandhom joriġinaw miż-żona tad-denominazzjoni ta’ oriġini tax-‘Chevrotin’, huma l-kompost, id-demel solidu u d-demel likwidu (ta’ oriġini agrikola), kif ukoll il-fertilizzanti organiċi ta’ oriġini mhux agrikola, bħall-ħama tad-dranaġġ (jew prodotti sekondarji ta’ dan) u l-iskart aħdar.

Kull tifrix ta’ fertilizzant mhux organiku għandu jkun akkumpanjat mis-segwitu analitiku ta’ kull lott (trakk, ċisterna, eċċ.) biex jiġu kkontrollati l-livelli tal-mikrobi patoġeni, il-metalli tqal u l-komponenti ta’ traċċi organiċi indikati fir-regolamentazzjonii.

It-tifrix ta’ fertilizzanti organiċi ta’ oriġini mhux agrikola huwa awtorizzat fir-raba’ tal-azjenda agrikola, iżda bi dfin immedjat, u skont ir-regolamenti fis-seħħ fir-rigward tal-limitazzjonijiet partikulari (dati, perimetri protetti, eċċ.), u tal-kwantitajiet, eċċ.”

Produzzjoni

Ġew ippreċiżati l-operati li għandhom isiru fl-azjenda agrikola (il-produttur tal-ħalib), u d-deskrizzjoni tmexxiet taħt il-punt “Produzzjoni” tal-kapitlu “Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni” fl-Ispeċifikazzjoni.

Id-dispożizzjoni fir-rigward tal-kamra tal-produzzjoni tax-“Chevrotin” ġiet immodifikata biex tiċċara l-funzjonament tal-kmamar ta’ produzzjoni li jużaw, għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra, il-ħalib ta’ speċijiet oħra ta’ annimali.

Tħassret is-sentenza “Dan it-tkessiħ sempliċi tal-ħalib jiffavorixxi wkoll il-fermenti naturali u jevita l-iżvilupp ta’ flora psikotropika”, billi huwa punt ta’ informazzjoni mhux soġġett għal spezzjoni.

Biex tiġi ffaċilitata l-ispezzjoni, ġie ppreċiżat li l-azjenda agrikola fejn il-ħalib kollu jew parti minnu huwa maħsub għall-produzzjoni tax-“Chevrotin”, għandha tirrispetta l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-ħalib iddefiniti fl-Ispeċifikazzjoni.

Ġie kkoreġut żball preċedenti ta’ traskrizzjoni tat-test nazzjonali, abbażi tat-test nazzjonali korrispondenti għall-Ispeċifikazzjoni preċedenti rreġistrata:

ġiet immodifikata l-firxa tat-temperaturi għaż-żieda tat-tames (minn 30 sa 38 °C flok minn 32 sa 36 °C fil-mument taż-żieda tat-tames, kif ukoll tul il-perjodu kollu ta’ koagulazzjoni).

Ġiet indikata l-kompożizzjoni tal-fermenti lattiċi sabiex jiġi żgurat li l-kulturi magħżula ta’ fermenti lattiċi jirrispettaw il-flora speċifika u jippermettu l-ħruġ tal-karatteristiċi tipiċi tax-“Chevrotin”.

Ġiet immodifikata d-definizzjoni tad-drapp għall-iffurmar tal-ġobniet. Dan id-drapp jista’ jkun tal-qoton, u mhux biss tal-kittien. Il-kliem inizjali, li jirreferi biss għall-kittien, ġie kkompletat, billi l-użu tal-qoton ukoll huwa mifrux ħafna f’dan it-tip ta’ proċedura.

Maturazzjoni

Il-materjal għall-maturazzjoni tal-ġobon m’għadux limitat sempliċement għall-pjanċi tal-abit. Fil-fatt, il-grupp ta’ produtturi osserva li jistgħu jintużaw materjali differenti mill-injam ladarba tkun intemmet il-fażi tat-tnixxif, li għandu jsir bilfors fil-pjanċi tal-abit. Huwa proprju matul din il-fażi li l-injam jiżvolġi r-rwol tiegħu ta’ regolatur tal-kontenut tal-ilma, kif ukoll ta’ bażi għall-flora ta’ maturazzjoni. Il-prattika wriet li tipi oħra ta’ bażi, ta’ użu iktar sempliċi, ma jaffettwawx il-karatteristiċi tal-ġobon meta jintużaw f’din il-fażi. L-esperimenti mwettqa minn operaturi differenti fuq sapports oħrajn (bħal trejs) juru li l-kwalità tibqa’ ma tinbidilx (l-ebda problema ta’ eċċess tal-ilma jew ta’ implantazzjoni ta’ flora). Dawn is-sapports iktar inerti jirriżultaw utli fil-ġestjoni tal-mikrobi mhux mixtieqa għall-kmamar ta’ maturazzjoni kollettivi, minħabba l-fatt li jitnaddfu faċilment.

3.5.   Tikkettar

Tħassar l-obbligu li jiġi inkluż fuq it-tikketta l-kliem “Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini”, u ġie ssostitwit bl-obbligu li jitpoġġa s-simbolu tal-Unjoni Ewropea li jindika d-denominazzjoni protetta ta’ oriġini, sabiex it-tikketta tkun tista’ tinqara faċilment u tinħoloq sinerġija fil-komunikazzjoni tal-prodotti rreġistrati bħala DPO. Il-kliem “Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini” jista’ jidher ukoll fuq it-tikketta.

Tneħħa l-obbligu li jiġi inkluż il-logo tal-INAO, minħabba l-evoluzzjoni tar-regolamentazzjonii nazzjonali.

3.6.   Rekwiżiti nazzjonali

B’mod konformi mar-riforma nazzjonali tas-sistema ta’ kontroll tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini msemmija iktar ‘il fuq, ġiet miżjuda tabella li tippreżenta l-punti prinċipali li għandhom jiġu kkontrollati u l-metodu ta’ kif jiġu evalwati.

3.7.   Modifiki oħra

Ippakkjar

Ma ġewx immodifikati l-modalitajiet tal-ippakkjar (ġobna sħiħa ppakkjata f’kontenitur individwali li jinkludi speċifikament sfond falz tal-abit). L-emenda tikkonċerna l-mument li fih jista’ jsir l-ippakkjar tal-ġobniet (mill-15-il ġurnata tal-maturazzjoni ‘l quddiem, u mhux “fi tmiem il-maturazzjoni” kif speċifikat fil-kapitolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni rreġistrata).

Din il-prattika tippermetti li tiġi ggarantita l-integrità tal-prodott fi tmiem il-maturazzjoni. Fil-fatt, l-influwenza tagħha fuq il-konsistenza tal-ġobon hija pożittiva, billi l-kontenitur jaġixxi ta’ “mini-kantina” u b’hekk jikkontribwixxi għall-ksib ta’ konsistenza iktar ratba, b’mod li l-ġobniet ma jitnixxfux filwaqt li tiġi ffaċilitata l-proteoliżi. Din il-prattika tippermetti wkoll li jiġu kkontrollati l-kxif ta’ difetti (eż. il-preżenza ta’ tbajja’ suwed li jistgħu jitfaċċaw fi tmiem il-maturazzjoni f’ġobniet imqiegħda bla għatu fuq pjanċa tal-injam jew trej) jew id-degradazzjoni tal-qoxra (xquq, deformazzjoni, eċċ.)

DOKUMENT UNIK

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

“CHEVROTIN”

Nru tal-KE: FR-PDO-0105-0970-23.2.2012

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Chevrotin”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobnijiet

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-ġobon “Chevrotin” jiġi prodott esklussivament mill-ħalib tal-mogħża nej u sħiħ. Huwa ta’ forma ċilindrika, b’dijametru ta’ bejn 9 u 12 ċentimetru, b’għoli ta’ bejn 3 u 4,5 ċentimetru, u b’piż ta’ bejn 250 u 300 gramma.

Huwa ġobon ippressat u mhux imsajjar, bil-qoxra maħsula u miksija, bis-sħiħ jew parzjalment wara l-maturazzjoni, b’moffa rqiqa bajda magħmula l-iktar mill-Geotrichum. Il-ġobon fih tal-anqas 40 gramma materja grassa għal kull 100 gramma wara t-tnixxif totali, u l-materja niexfa ma għandhiex tkun ta’ inqas minn 45 gramma għal kull 100 gramma ġobon.

Ix-“Chevrotin” jiġi ppakkjat f’kontenitur individwali li jinkludi speċifikament sfond falz tal-abit maqtugħ.

Ix-“Chevrotin” jiġi ppakkjat bħala ġobna sħiħa.

Għandu konsistenza ratba u tindilek, u jista’ jkollu qalba iktar iebsa u fetħiet ċkejknin. Huwa ta’ kulur krema, u kemxejn mielaħ b’togħma tipikament kaprina.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-ħalib użat għall-produzzjoni tax-“Chevrotin” ġej minn merħliet magħmula minn tal-anqas 80 % annimali tar-razza Alpina, inklużi l-annimali tal-popolazzjoni magħrufa bħala “Chèvres des Savoie” (mogħoż tas-Savoja), elenkati mill-Institut de l’élevage fil-qafas tal-programm tar-razez kaprini protetti.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

L-għalf abbażi ta’ foraġġi huwa ggarantit mill-ħaxix tal-mergħat u mill-ħuxlief.

Dan l-għalf bil-foraġġi huwa msejjes, għal tal-anqas ħames xhur, fuq il-veġetazzjoni estratta mill-mergħatfejn jirgħu l-mogħoż fiż-żona ta’ produzzjoni.

Il-bidwi jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu superfiċje minima ta’ 1 000 metru kwadru ta’ mergħa għal kull mogħża.

Għall-għalf tal-merħla kollha, huma awtorizzati biss it-tipi ta’ għalf li ġejjin:

l-uniku foraġġ oħxon awtorizzat huwa l-veġetazzjoni tal-mergħat u l-ħuxlief minn bwar naturali u bwar artifiċjali ta’ ħaxix u legumi, ippreżervat f’kundizzjoni tajba;

il-foraġġi deżidratati: il-polpi tal-pitravi deżidratati u l-alfalfa deżidratata;

il-materja prima li ġejja, użata fil-kompożizzjoni ta’ għalf supplimentari: iċ-ċereali kollha u d-derivati tagħhom, il-ġulepp bħala element li jgħaqqad, iż-żrieragħ sħaħ jew mitħuna tal-piżelli, tal-ful, tal-lupina u tas-sojja, il-ftajjar taż-żerriegħa tal-ġirasol, il-kopra, il-kittien, il-qalba tal-palm, il-kolza, is-sojja, il-qoton u l-patata, il-materja grassa ta’ oriġini veġetali, il-minerali kollha, il-makroelementi, ix-xorrox tal-azjenda ppreżervat f’kundizzjoni tajba biex jiġi evitat it-tniġġis mill-mikrobi patoġeniċi. L-uniċi addittivi awtorizzati huma l-oligoelementi u l-vitamini.

L-għalf prodott fiż-żona jirrappreżenta tal-anqas 70 % mill-ikel totali magħmul mill-ħaxix tal-merħla, espress f’materja niexfa. Il-kontribut tal-għalf supplimentari għall-mogħoż li jreddgħu huwa limitat għal 300 gramma kull litru ta’ ħalib prodott.

F’każ ta’ kontribut ta’ għalf deżidratat, il-kontribut tal-għalf supplimentari u ta’ ħaxix deżidratat huwa limitat għal 500 gramma kull litru ta’ ħalib prodott.

Għall-għalf tal-annimali huma awtorizzati biss il-ħxejjex, il-prodotti sekondarji u l-għalf supplimentari minn prodotti mhux tranżġeniċi.

Iż-żrigħ ta’ wċuħ tar-raba’ tranżġeniċi huwa pprojbit fiż-żoni kollha ta’ azjenda li tipproduċi l-ħalib għall-ipproċessar f’ġobon tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Chevrotin”. Din il-projbizzjoni tinkludi kull speċi ta’ veġetazzjoni li x’aktarx tista’ tingħata bħala għalf lill-annimali tal-azjenda, u kull kultivazzjoni li x’aktarx tista’ tikkontaminahom. Il-livell massimu ttollerat huwa konformi mar-regolamenti fis-seħħ, u jgħodd għal kull komponent tal-għalf.

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-produzzjoni tal-ħalib, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-ġobniet isiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-ġobon u sabiex jiġu ppreżervati l-kwalitajiet essenzjali tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam mal-qoxra, il-konsistenza tal-ġobon ippressat u l-intensità tar-riħa, ix-“Chevrotin” jiġi ppakkjat bħala ġobna sħiħa. Dan l-ippakkjar f’kontenitur adattat jinkludi sfond falz tal-injam tal-abit fuq tal-anqas wiċċ wieħed tal-ġobna. L-ippakkjar isir fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Kull ġobon bid-denominazzjoni ta’ oriġini “Chevrotin” jitqiegħed fis-suq b’tikketta individwali li turi isem id-denominazzjoni ta’ oriġini.

Isem id-denominazzjoni ta’ oriġini jinkiteb f’ittri b’daqs ta’ mill-inqas 120 % tad-daqs ta’ kull test ieħor li jidher fuq it-tikketta.

Boll tal-kaseina, tond u trasparenti juri isem id-denominazzjoni ta’ oriġini u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-produttur. Dan il-boll jinhemeż fuq wiċċ il-ġobon fil-fażi tal-produzzjoni.

It-tikketta għandha tinkludi s-simbolu DPO tal-Unjoni Ewropea. Tista’ tinkludi wkoll il-frażi “appellation d’origine protégée” (denominazzjoni protetta ta’ oriġini).

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Id-Département ta’ Haute-Savoie

Il-muniċipalitajiet sħaħ li jinsabu fiż-żona:

Abondance, Alex, Allèves, Arâches, Aviernoz, Bellevaux, Bernex, Boëge, Bogève, Bluffy, Bonnevaux, Brizon, Burdignin, Chamonix-Mont-Blanc, Châtel, Chevenoz, Chevaline, Combloux, Cons-Sainte-Colombe, Cordon, Demi-Quartier, Dingy-Saint-Clair, Domancy, Doussard, Entremont, Entrevernes, Essert-Romand, Faverges, Giez, Habère-Lullin, Habère-Poche, La Balme-de-Thuy, La Baume, La Chapelle-d’Abondance, La Chapelle-Saint-Maurice, La Clusaz, La Côte-d’Arbroz, La Forclaz, La Rivière-Enverse, La Tour, La Vernaz, Lathuile, Le Biot, Le Bouchet, Le Grand-Bornand, Le Petit-Bornand-les-Glières, Le Reposoir, Les Clefs, Les Contamines-Montjoie, Les Gets, Les Houches, Les Villards-sur-Thônes, Leschaux, Lullin, Magland, Manigod, Marlens, Megève, Mégevette, Mieussy, Montmin, Montriond, Mont-Saxonnex, Morillon, Morzine, Nancy-sur-Cluses, Nâves-Parmelan, Novel, Onnion, Passy, Praz-sur-Arly, Reyvroz, Sallanches, Samoëns, Saxel, Serraval, Servoz, Seythenex, Seytroux, Sixt-Fer-à-Cheval, Saint-André-de-Boëge, Saint-Eustache, Saint-Ferréol, Saint-Gervais-les-Bains, Saint-Jean-d’Aulps, Saint-Jean-de-Sixt, Saint-Jean-de-Tholomé, Saint-Jeoire, Saint-Laurent, Saint-Sigismond, Saint-Sixt, Talloires, Taninges, Thollon-les-Mémises, Thônes, Thorens-Glières, Vacheresse, Vailly, Vallorcine, Verchaix, Villard-sur-Boëge, Villaz, Ville-en-Sallaz, Viuz-en-Sallaz.

Parti mill-muniċipalitajiet li jinsabu fiż-żona:

Annecy-le-Vieux, Ayze, Duingt, Gruffy, La Roche-sur-Foron, Lugrin, Marignier, Marnaz, Perrignier, Scionzier, Saint-Jorioz, Viuz-la-Chiésaz.

Id-Département ta’ Savoie

Il-muniċipalitajiet sħaħ li jinsabu fiż-żona:

Aillon-le-Jeune, Aillon-le-Vieux, Allondaz, Arith, Bellecombe-en-Bauges, Cléry, Cohennoz, Crest-Volland, Doucy-en-Bauges, Ecole-en-Bauges, Flumet, Jarsy, La Compôte, La Giettaz, La Motte-en-Bauges, La Thuile, Le Châtelard, Le Noyer, Les Déserts, Lescheraines, Notre-Dame-de-Bellecombe, Puygros, Saint-François-de-Sales, Saint-Nicolas-la-Chapelle, Sainte-Reine, Thoiry, Ugine.

Parti mill-muniċipalitajiet li jinsabu fiż-żona:

Hauteluce, Le Montcel, Marthod, Mercury, Montailleur, Plancherine, Saint-Jean-d’Arvey, Saint-Jean-de-la-Porte, Saint-Offenge-Dessus, Thénésol, Verrens-Arvey, Villard-sur-Doron.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Fatturi naturali

It-territorju taż-żona ġeografika jkopri l-parti muntanjuża tad-département ta’ Haute-Savoie, magħmula mit-tliet ktajjen tal-muntanji Chablais, Mont Blanc u Aravis, kif ukoll il-katina ta’ Bauges fid-département ta’ Savoie. Dan it-territorju huwa kkaratterizzat minn:

klima kiesħa u umda (b’xita annwali ta’ aktar minn 1 200 millimetru, u b’xita sajfija ta’ aktar minn 60 millimetru);

livell ta’ altitudni muntanjuż fiż-żona kollha;

il-preżenza tal-kalċju iebes fil-pajsaġġ, li jirriżultaw f’ħamrija kalkarija fil-mergħat;

veġetazzjoni ta’ mergħa ddominata minn speċijiet adattati għall-karatteristiċi ta’ din l-laltitudni muntanjuża.

Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni hija partikolari minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi selettivi tagħha u minħabba d-diversità tal-bijotopi. B’hekk il-flora u l-veġetazzjoni huma oriġinali u diversifikati.

L-oriġinalità tal-flora hija kkaratterizzata minn proporzjon għoli (f’livell baxx ta’ altitudni, qabel is-saff muntanjuż) u mbagħad mill-prezenza dominanti (mill-1 500 m ‘il fuq) ta’ speċijiet partikolari (fost il-ħxejjex l-iktar frekwenti ta’ mergħa: il-Poa alpina u l-Festuca violacea), jew ta’ ġeneri u familji ftit li xejn rappreżentati fil-bwar ġirien (eż. il-Gentianaceae).

Il-mergħat tal-muntanji li jinsabu fiż-żona ta’ produzzjoni tax-“Chevrotin” huma kkaratterizzati, f’dak li għandu x’jaqsam mal-veġetazzjoni florali, mill-iskarsezza ta’ ċerti ħxejjex dominanti fil-bwar f’kundizzjonijiet intensivi, speċifikament il-Lolium perenne (minħabba l-altitudni) u mit-tixrid korrispondenti ta’ ċerti dikotiledoni speċifiċi, fosthom il-Geranium silvaticum u l-Chaerophyllium hirsutum.

L-ikbar diversità tista’ tiġi osservata fil-mergħat għoljin, speċifikament minħabba l-kuntrasti fil-kopertura tal-art. Minn dejl għall-ieħor tal-istess muntanja, il-ħamrija tvarja skont kemm iddum il-borra, skont il-blat ewlieni lokali, skont in-nixxigħat u skont il-gradjent tal-blat.

B’konsegwenza ta’ dan, spiss il-merħliet isibu fl-istess roqgħa ta’ mergħa, firxa sħiħa ta’ tipi u gruppi ta’ veġetazzjoni, minn dawk alkalini sa dawk aċidużi, u minn dawk li jgħixu bi ftit ilma sa dawk friski.

Fatturi umani

Il-klima flimkien mal-ambjent ġeoloġiku jagħtu lil din iż-żona potenzjal kbir għall-għalf, fenomenu li sawwar l-ekonomija reġjonali, imsejsa essenzjalment fuq sistemi agrikoli ddedikati għall-isfruttament tal-ħaxix, għat-trobbija u fuq kollox għall-produzzjoni tal-ħalib.

Tul is-sekli, il-bniedem ħoloq sistema agropastorali msejsa fuq perjodu ta’ ragħa ta’ mill-inqas 5 xhur, b’parti minn dak il-perjodu ssir fil-għoli, u fuq perjodu xitwi fejn l-annimali jingħalfu l-aktar bil-ħuxlief.

Dan l-ambjent muntanjuż huwa l-post ippreferut tar-razza Alpina, partikularment il-popolazzjoni magħrufa bħala “chèvres des Savoie” li, bis-saħħa tal-karattru rustiku tagħhom u l-kwalitajiet tagħhom għall-ħlib, huma adattati tajjeb għall-ambjent diffiċli ta’ din iż-żona u għall-ipproċessar tal- tal-ġobon.

F’dan il-kuntest, it-trobbija tal-mogħoż ilha żmien twil dħul importanti għall-familji tar-reġjun, flimkien mat-trobbija tal-baqar. Il-prodotti li kienu jsiru mill-mogħoż (il-ħalib, il-ġobon, il-laħam) kienu jkunu ddestinati għall-konsum fil-familja.

Sa mis-seklu 18, ċerti dokumenti jsemmu l-eżistenza fir-reġjun tal-ġobon misjub bħala “Chevrotin”.

Ix-xhud l-iktar rilevanti jibqgħu l-kuntratti ta’ qbiela li skonthom il-bidwi (jew “alpagiste”) spiss kellu jħallas kera fil-forma ta’ ġobniet, fosthom partikularment ix-“Chevrotin”.

L-għarfien prattiku tal-produzzjoni tal-ġobon intiret minn ġenerazzjoni għall-oħra: l-użu ta’ ħalib sħun minnufih wara t-taħlib, jew wara stennija massima ta’ 14-il siegħa u b’temperatura minima ta’ 10 °C, ftit tisħin mill-ġdid fir-reċipjent, maturazzjoni preliminari u ħasil).

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Fil-familja tal-ġobnijiet tal-mogħża, ix-“Chevrotin” juri bħala karatteristika partikolari l-fatt li huwa r-riżultat ta’ teknoloġija ta’ koagulazzjoni rapida u bil-qoxra maħsula.

Ix-“Chevrotin” huwa ġobon ippressat u mhux imsajjar, bil-qoxra maħsula, prodott mill-ħalib tal-mogħża sħiħ u nej, permezz ta’ proċess esklussivament artiġjan.

Il-qoxra tax-“Chevrotin” hija rqiqa ħafna, kemxejn roża, u miksija kollha kemm hi jew parzjalment b’moffa bajda fina. Għandu konsistenza ratba u tindilek, u jista’ jkollu qalba iktar iebsa u fetħiet ċkejknin. Huwa ta’ kulur krema, u kemxejn mielaħ b’togħma tipikaament kaprina.

5.3.   Rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għal IĠP)

Iż-żona ġeografika tinsab fil-medda kalkarja ta’ qabel fl-Alpi tat-tramuntana, u tirċievi preċipitazzjoni abbondanti minħabba li hi direttament esposta għall-irjieħ tal-punent. Din l-umdità, flimkien ma’ altitudni relattivament moderata, tiffavorixxi l-iżvilupp ta’ mergħat u ta’ boskijiet.

Il-metodi tat-trobbija tal-merħliet kaprini, maħsuba għall-isfruttament estensiv tar-riżorsi naturali, jiffavorixxu d-diversità tal-flora alpina, u din id-diversità ssib l-espressjoni tagħha fil-karatteristiċi aromatiċi tal-ġobon.

Il-qrubija taż-żewġ tipi ta’ trobbija (tal-baqar u tal-mogħoż) fiż-żona ġeografika forsi tispjega l-fatt li t-teknoloġija użata għall-produzzjoni tax-“Chevrotin” hija simili għal dik użata għall-produzzjoni tal-ġobnijiet mill-ħalib tal-baqra tar-reġjun.

Il-produzzjoni tal-ġobon “Chevrotin”, li ssir esklussivament b’mod artiġjanali, mill-ħalib nej u mingħajr l-ebda modifika qabel iż-żieda tat-tames, tippermetti l-preżervazzjoni tal-flora indiġena tal-ħalib, speċifikament il-flora lattika u l-flora tal-wiċċ.

L-għarfien espert ta’ kull produttur f’kull fażi ewlenija tal-produzzjoni (produzzjoni mill-ħalib sħun minnufih wara t-taħlib, jew wara stennija massima ta’ 14-il siegħa u b’temperatura minima ta’ 10 °C, ftit tisħin mill-ġdid fir-reċipjent, maturazzjoni preliminari u ħasil), jikkontribwixxi biex jinħarġu l-karatteristiċi fiżikokimiċi tal-ħalib (bilanċ minerali, preżervazzjoni tal-materja grassa) kif ukoll tal-flora lattika preżenti fil-ħalib.

Il-mikroflora, u b’mod partikulari l-Geotrichum candidum, tagħti lix-“Chevrotin” mhux biss id-dehra speċifika tiegħu, iżda wkoll il-konsistenza tal-ġobon ippressat. Għaldaqstant, il-mikroflora għandha influwenza qawwija fil-kwalità tal-ġobon, kemm fejn tidħol id-dehra esterna tiegħu u kemm għall-konsistenza tiegħu (ratba u li tista’ tindilek), kif ukoll għat-togħma tiegħu. Hija l-unika flora permanenti fuq wiċċ ix-“Chevrotin”, u hija responsabbli għall-moffa (“fleur”) bajda rqiqa li tikkaratterizzah. Il-piż ħafif u d-daqs żgħir tal-ġobon jissarrfu f’maturazzjoni qasira u f’qoxra rqiqa.

Ġenerazzjoni wara l-oħra, il-produtturi għarfu jagħżlu, kultant b’mod empiriku, mikroflora speċifika adattata kemm għall-kundizzjonijiet mikroklimatiċi tal-ambjent naturali u kemm għat-teknoloġija tal-produzzjoni tal-ġobon.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCChevrotin.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 3.


31.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 468/10


Pubblikazzjoni ta’ talba għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2014/C 468/03)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

TALBA GĦAL EMENDA

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

TALBA GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“MAÇÃ DE ALCOBAÇA”

Nru tal-KE: PT-PGI-0117-0261-7.12.2011

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Intestaturi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott affettwati mill-emenda

    Isem tal-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn [għandhom jiġu speċifikati]

2.   Tipi ta’ emenda(i)

    Emenda tad-Dokument Uniku jew tal-Iskeda tas-Sommarju

    Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tad-DPO jew tal-IĠP irreġistrata, li għaliha la ġie ppubblikat id-Dokument Uniku u lanqas l-Iskeda tas-Sommarju

    Emenda tal-Ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat (Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006).

    ☐ Emenda temporanja tal-Ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006).

3.   Emenda(i):

3.1.   Deskrizzjoni tal-prodott

Saru xi emendi għal-lista tal-gruppi tal-varjetajiet tat-tuffieħ koperti mill-IĠP u issa tinkludi l-grupp ta’ tuffieħ Pink li, fil-kundizzjonijiet tal-ħamrija u klima deskritti, jipproduċi frott bil-karatteristiċi stabbiliti għall-“Maçã de Alcobaça”.

Bħall-gruppi l-oħra ta’ varjetajiet koperti mill-Ispeċifikazzjoni, it-tuffieħ tal-grupp Pink li jikber fiż-żona ġeografika definita għandu wkoll aroma speċifika u togħma ħelwa li jiddistingwuh minn tuffieħ ieħor.

Huwa dan il-bilanċ li jagħmel il-“Maçã de Alcobaça”, inkluż it-tuffieħ tal-grupp Pink, aktar frisk u mmerraq; dan minħabba t-temperatura u l-kundizzjonijiet ta’ umdità speċifiċi li ġejjin mill-viċinanza tal-baħar u l-ostaklu naturali ffurmat mill-meded tal-muntanji Aire-Candeeiros-Montejunto, li jibdew mit-Tramuntana u jibqgħu neżlin san-Nofsinhar f’linja parallela mal-kosta.

Il-grupp Pink għandu karatteristiċi speċifiċi ta’ kwalità u organolettiċi li jistgħu jkunu dovuti għal kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi misjuba fiż-żona ġeografika. Dawn jinkludu laħma soda u tqarmeċ, kulur roża distint ħafna, aroma qawwija, lentiċelli mifruxa b’mod prominenti fl-epidermide u ħmura samranija soda fil-ħofra ta’ maz-zokk.

Il-varjetajiet tal-grupp Pink adattaw tajjeb għaż-żona ġeografika u jipproduċu rendiment tajjeb.

Minbarra l-frott sħiħ u frisk, u fid-dawl ta’ rekwiżiti ġodda tal-konsumatur, il-prodott issa jista’ jinbiegħ jew sħiħ, bil-qoxra jew imqaxxar, jew f’biċċiet, bil-qoxra jew imqaxxra. It-tqaxxir u l-qtugħ isiru b’mezzi fiżiċi.

3.2.   Żona ġeografika

Din ġiet estiża biex tinkludi l-muniċipalitajiet ta’ Peniche, Lourinhã, Torres Vedras, Bombarral, Cadaval, Rio Maior, Marinha Grande, Batalha u Leiria, għax:

il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima fiż-żona magħrufa storikament bħala Coutos de Alcobaça huma simili għal dawk li jinsabu fiż-żona issa definita u proposta;

il-ġonna tas-siġar tal-frott għandhom l-istess karatteristiċi bħal dawk eżistenti;

it-tuffieħ prodott għandu l-istess karatteristiċi ta’ kwalità li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi stabbilitli fl-Ispeċifikazzjoni għall-“Maçã de Alcobaça” – IĠP.

Id-differenzi ewlenija kimiċi u organolettiċi li jiddistingwu l-“Maçã de Alcobaça” ġejjin mill-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi li jinsabu fiż-żona ġeografika fejn jikber, influwenzat mill-viċinanza tal-baħar u l-ostaklu naturali ffurmat mill-meded tal-muntanji Aire-Candeeiros-Montejunto, li jibdew mit-Tramuntana u jibqgħu neżlin san-Nofsinhar f’linja parallela mal-kosta.

Il-meded tal-Aire, Candeeiros u Montejunto jiffurmaw linja ta’ muntanji li tidher ċara, u li bejn wieħed u ieħor huma paralleli mal-kosta, li jisseparaw iż-żona ta’ produzzjoni tal-“Maçã de Alcobaça” miż-żoni ġeografiċi kollha fil-viċin.

L-idroloġija hija differenti wkoll, hekk kif ix-xmajjar u n-nixxigħat fiż-żona ġeografika prattikament kollha jiltaqgħu mal-baħar. Fit-Tramuntana dawn jgħaddu lejn il-baċir tax-xmara ta’ Mondego filwaqt li fil-Lvant jgħaddu lejn il-baċir tax-xmara Tagus.

Rigward ġeoloġija, iż-żona ġeografika “Maçã de Alcobaça” tgħaddi tul qasma tettonika lonġitudinali li tgħaddi mit-Tramuntana san-Nofsinhar (li ssegwi l-linja tal-quċċata), fejn jippredominaw il-formazzjonijiet tal-perjodu Ġurassiku.

L-orografija u l-influwenza tal-Atlantiku ma jingħaqdu fl-ebda reġjun ieħor tal-Portugall biex joħolqu ambjent bħalma hu dak misjub fiż-żona ġeografika magħrufa bħala “Maçã de Alcobaça”.

Il-viċinanza tal-baħar, l-ostaklu tal-muntanji, is-sħab, iċ-ċpar, iċ-ċpar ta’ filgħodu, l-iljieli ta’ nida, ix-xemx, l-arja umda u l-ħamrija jingħaqdu b’mod uniku, kemm fir-rigward tal-pajjiż kollu kif ukoll maż-żoni fil-qrib. Dawn il-fatturi kollha flimkien, u mhux wieħed jew ftit minnhom, huma li jipproduċu l-“Maçã de Alcobaça” IĠP, fejn il-karatteristiċi tiegħu huma magħrufa.

3.3.   Tikkettar

Irrispettivament mill-preżentazzjoni kummerċjali tal-prodott, dan li ġej dejjem irid jidher fuq it-tikketta: il-kliem Maçã de Alcobaça – IGP jew Indicação Geográfica Protegida u l-logo tal-“Maçã de Alcobaça”.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

“MAÇÃ DE ALCOBAÇA”

Nru tal-KE: PT-PGI-0117-0261-7.12.2011

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem

“Maçã de Alcobaça”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Il-Portugall

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6 Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Frott tal-gruppi Casa Nova, Golden Delicious, Red Delicious, Gala, Fuji, Granny Smith, Jonagold, Reineta u Pink li, meta prodott fiż-żona ġeografika definita, hu sod u jqarmeċ u għandu kontenut għoli ta’ zokkor u aċidu, li jagħtih togħma ħelwa u qarsa u aroma qawwija.

Studju tal-karatteristiċi nutrittivi u funzjonali tal-varjetajiet tal-“Maçã de Alcobaça” (Tabella 1 – Almeida u Pintado, 2008) jagħti valuri medji għolja għall-kontenut totali tal-aċidu. Dan hu kruċjali għall-bilanċ taz-zokkor u l-aċidu li jagħti lit-tuffieħ Alcobaça l-aroma speċifika u t-togħma ħelwa u qarsa li jiddistingwuh minn tuffieħ ieħor.

Tabella 1

Il-kontenut ta’ solidu solubbli u l-aċidità titrabbli analizzati tal-kultivari tat-tuffieħ

Medda ta’ valuri medji għall-varjetajiet tat-tuffieħ

Solidi solubbli (g/100 g)

Aċidità titrabbli

(g malat/100 g)

10,2 – 15,3

0,2 – 0,76

Sors: Domingos Almeida & Manuela Pintado, 2008. Caracterização nutritiva e funcional de variedades de Maçã de Alcobaça. Projecto Agro 937

It-tuffieħ għandu wkoll karatteristiċi ta’ kwalità u organolettiċi li huma kkunsidrati speċifiċi u li jistgħu jkunu attribwiti għal kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi misjuba fiż-żona ta’ produzzjoni. Dawn jinkludu l-laħma soda ħafna u li tqarmeċ, il-kulur aħmar skur tal-frott aħmar u bikulurit, l-aroma qawwija, il-lentiċelli mifruxa b’mod prominenti fl-epidermide u ħmura samranija soda fil-ħofra ta’ maz-zokk.

It-tuffieħ Alcobaça jistgħu jitqiegħdu fis-suq

(a)

Sħiħ, bil-qoxra jew imqaxxar, u

(b)

F’biċċiet, bil-qoxra jew imqaxxra

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Mhux applikabbli

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

Mhux applikabbli

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata

Il-fażijiet kollha tal-produzzjoni tal-“Maçã de Alcobaça”, mit-tħawwil tal-ġonna tal-frott sal-ħsad tal-frott, jridu jseħħu fiż-żona ġeografika identifikata.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

It-tuffieħ jinħasad fi stadju ta’ sajran li jippermettilu jsir aktar u jinħażen f’ambjent kiesaħ u f’kundizzjonijiet xierqa; it-tuffieħ ma jiġix ippakkjat kollu hekk kif jinħasad u jitwassal sal-post tal-ħżin/ippakkjar; il-verifiki jitwettqu fuq il-ħidmiet u r-rekords kollha li jippermettu t-traċċabilità lejn is-sors.

Għall-forom oħra ta’ preżentazzjoni kummerċjali, ir-rekwiżiti obbligatorji kollha għat-tuffieħ mhux ipproċessat iridu jiġu ssodisfati, minbarra d-daqs u l-klassi.

Il-ħasil, it-tqattigħ u l-ippakkjar ma għandux ibiddel il-karatteristiċi tal-“Maçã de Alcobaça”, u l-lottijiet ta’ tuffieħ imqaxxar jew imqatta’ li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti huma rrifjutati. It-tuffieħ jinħasel sħiħ u mhux imqatta’ sabiex il-karatteristiċi tal-prodott mhux ipproċessat ma jiġux mibdula.

Biex titnaqqas l-ossidazzjoni, it-tqaxxir, it-tqattigħ u l-ippakkjar għandhom isiru f’ambjent imkessaħ. It-tuffieħ għandu jiġu ppakkjat f’ippakkjar li ma jħalli xejn jgħaddi minnu (barrier packaging) magħmul minn film speċjali li ma jħallix skambju ta’ gass ma’ barra, fejn arja modifikata, jiġifieri b’livell baxx ta’ ossiġinu, hija miżjuda. Imbagħad il-prodott għandu jiġi ppreparat għall-bejgħ, maħżuna u trasportati f’arja mkessħa.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Flimkien mal-kliem obbligatorju meħtieġ bil-liġi, dawn li ġejjin huma għandhom jidhru fuq it-tikkettar:

(a)

il-kliem Maçã de Alcobaça – IĠP jew Indicação Geográfica Protegida

(b)

il-logo tal-“Maçã de Alcobaça”, muri hawn taħt:

Image

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

B’mod amministrattiv, iż-żona ġeografika definita tikkonsisti mill-muniċipalitajiet ta’ Alcobaça, Batalha, Bombarral, Cadaval, Caldas da Rainha, Leiria, Lourinhã, Marinha Grande, Nazaré, Óbidos, Peniche, Porto de Mós, Rio Maior u Torres Vedras.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-“Maçã de Alcobaça” tinstab bejn wieħed u ieħor bejn is-Serra dos Candeeiros u l-baħar, li toħloq mikroklima speċifika ħafna. Dan, flimkien mal-ħamrija xierqa, joħloq kundizzjonijiet li huma ideali għat-tkabbir ta’ tuffieħ ta’ kwalità organolettika għolja b’karatteristiċi speċifiċi li jiddistingwuhom minn tuffieħ li jitkabbar f’reġjuni oħra.

Il-ġeografija fiżika taż-żona hija diversa, allura hija l-mikroklima speċifika li tispjega r-raġuni għaliex dawn il-varjetajiet tat-tuffieħ jirreaġixxu b’mod differenti hemm. Peress li ż-żona hija qrib l-Atlantiku, it-temperaturi huma konsistenti; il-medja kuljum hija ta’ madwar 15 °C. Il-preċipitazzjoni totali tvarja minn medja annwali ta’ 600 mm sa 900 mm qrib is-Serra dos Candeeiros fid-distrett ta’ Alcobaça. L-umdità fl-arja hija affettwata bil-viċinanza tal-baħar u l-irjieħ prevalenti tat-Tramuntana u l-Majjistral, biċ-ċifra annwali tkun ta’ madwar 80 %. Ix-xemx, għalkemm attenwata mill-influwenza Mediterranja, hija affettwata bl-għata tas-sħab u l-medja tvarja minn 2 400 sa 2 500 siegħa.

Hija l-mikroklima speċifika ħafna taż-żona li tispjega r-raġuni għaliex dawn il-varjetajiet tat-tuffieħ jikbru tant tajjeb u jirreaġixxu b’mod differenti hemm.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-varjetajiet tat-tuffieħ deskritti, imkabbra fiż-żona ġeografika definita, huma sodi ħafna u jqarmċu u għandhom kontenut ta’ zokkor u aċidu għoli li jagħtihom togħma ħelwa u qarsa speċifika u aroma qawwija.

Meta mqabbla mal-valuri ta’ referenza tat-tuffieħ imsemmija fit-tabelli ppubblikati mill-Instituto Ricardo Jorge (Tabella 2 – INSA, 2006), il-valuri medji misjuba fi studju ta’ karatteristiċi nutrizzjonali u funzjonali tal-varjetajiet tal-“Maçã de Alcobaça” (Tabella 1 – Almeida u Pintado, 2008), juru differenza kbira fil-kontenut totali tal-aċidu (kważi doppju).

Tabella 2

Kompożizzjoni nutrizzjonali tat-tuffieħ

Tuffieħa

Enerġija

(kcal/100 g)

Ilma

(g/100 g)

Fibra

(g/100 g)

Karboidrati

(g/100 g)

Aċidi organiċi

(g/100 g)

Proteina

(g/100 g)

Xaħam

(g/100 g)

Irmied

(g/100 g)

57

82,9

2,1

13,6

0,20

0,2

0,5

0,32

Sors: INSA (2006)

Studju bl-isem ta’ Caracterização nutritiva e funcional de variedades de Maçã de Alcobaça jagħti, inter alia, il-kompożizzjoni nutrizzjonali tal-“Maçã de Alcobaça” (Tabella 3). Iċ-ċifri msemmija fit-Tabella 3 juru li l-medja tal-valuri ta’ karboidrati u proteina għall-“Maça de Alcobaça” huma ogħla mill-valuri għall-ħafna mit-tuffieħ l-ieħor imsemmi fit-Tabela da Composição de Alimentos ippublikata mill-Instituto Nacional de Saúde Dr. Ricardo Jorge (Tabella 1 – INSA, 2006).

Tabella 3

Kompożizzjonijiet nutrizzjonali ta’ ċerta varjetajiet tat-tuffieħa Alcobaça Il-valuri huma għall-piż frisk tal-parti mill-frotta li tittiekel (qoxra u laħma)

Medja

Enerġija

(kcal/100 g)

Ilma

(g/100 g)

Fibra

(g/100 g)

Karboidrati

(g/100 g)

Proteina

(g/100 g)

Xaħam

(g/100 g)

Irmied

(g/100 g)

52,7

84,5

2,1

14,9

0,37

0,10

0,22

Sors: Domingos Almeida & Manuela Pintado, 2008. Caracterização nutritiva e funcional de variedades de Maçã de Alcobaça. Projecto Agro 937

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Minkejja l-fatturi ġenetiċi (Iglesias et al., 2008; 2012) u ekofiżjoloġiċi (Gonzalez-Talice et al., 2013)li jaffettwaw il-karatteristiċi tal-kwalità u dawk organolettiċi tal-“Maçã de Alcobaça”, b’mod partikolari rigward il-kulur u l-aroma, l-importanza tal-kundizzjonijiet ambjentali, b’mod partikolari t-temperatura u l-umdità, ma jistgħux jiġu injorati.

Il-kundizzjonijiet speċifiċi tat-temperatura u l-umdità maħluqa bil-viċinanza tal-baħar u l-meded tal-muntanji Aire-Candeeiros-Montejunto li tgħaddi mit-Tramuntana san-Nofsinhar, f’linja parallela mal-kosta, jiddeterminaw il-kompożizzjoni nutrizzjonali tal-“Maçã de Alcobaça”, li tagħmlu aktar frisk u mmerraq u tiddistingwih minn tuffieħ ieħor.

Madankollu, it-tuffieħ kiseb l-istatus tal-IĠP mhux biss minħabba l-kwalitajiet distinti tiegħu imma anke minħabba r-reputazzjoni prestiġġjuża li gawda fis-suq għal mijiet ta’ snin.

Iż-żona ta’ produzzjoni “Maçã de Alcobaça” tikkorrispondi maż-żona storikament magħrufa bħala Coutos de Alcobaça. Din kienet oriġinarjament demarkata fis-sekli 12 u 13 għal raġunijiet politiċi u hemm evidenza li turi li fil-fatt kienet testendi aktar lejn in-Nofsinhar.

Għaldaqstant il-patrijiet ħadu l-art li kienet tajba għall-biedja għalihom, li tikkorrispondi maż-żoni fejn illum jitkabbar it-tuffieħ.

It-tkabbir tal-frott, speċjalment it-tkabbir tat-tuffieħ, beda jsir attività importanti. Fi żmien meta kien hemm ftit ħelu, it-tuffieħ kien jittiekel bħala deżerta wara ikliet stravaganti. Skont M. Vieira Natividade, “il-patrijiet dejjem ħadu ħafna ħsieb tas-siġar tal-frott tagħhom.”.

It-tuffieħ imkabbar fir-reġjun ta’ Alcobaça beda jsir magħruf għall-kwalitajiet organolettiċi tiegħu: “Kellu kwalitajiet li kienu jiddistingwuh: il-progress gradwali mill-ħlewwa għall-aċidità tul il-lista twila ta’ varjetajiet; ir-riħa bellezza, il-kulur vividu u sabiħ, …” (Natividade, M. V.; 1912 – Frutas d’Alcobaça).

M. Vieira Natividade kiteb ukoll li: “tant kien hemm ġonna tas-siġar tat-tuffieħ li anke llum fir-reġjun Alcobaça frotta tirreferi għal tuffieħa u ġnien tas-siġar tal-frott jirreferi għal ġnien tas-siġar tat-tuffieħ.”

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

http://www.dgadr.mamaot.pt/images/docs/val/dop_igp_etg/Valor/CE_Maca_Alcobaca_Nov2013.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 3.