ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 466

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
30 ta' Diċembru 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Parlament Ewropew

2014/C 466/01

Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2014 li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew

1

 

Il-Kunsill

2014/C 466/02

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2014 li taħtar u tissostitwixxi membri tal-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali

4

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 466/03

Rata tal-kambju tal-euro

5

2014/C 466/04

Rata tal-kambju tal-euro

6

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 466/05

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.7475 — Edenred/Hermes/Eckstein/UTA) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

7

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 466/06

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

8

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Parlament Ewropew

30.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 466/1


DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-15 ta’ Diċembru 2014

li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew

(2014/C 466/01)

IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 223(2) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (1) (minn hawn ‘il quddiem “l-Istatut”),

wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 25 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 20 tal-Istatut jgħid li “[l]-Membri għandhom ikollhom jedd għal rimborż tal-ispejjeż li jidħlu fihom fit-twettiq tal-mandat tagħhom” u l-paragrafu 4 jgħid li “[l]-Parlament għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt”. Tali kundizzjonijiet huma, inter alia, stabbiliti fl-Artikoli 22, 24 u 66 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni għall-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (2) (“il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni”).

(2)

Analogament, l-Artikolu 4 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni jobbliga lill-Membri, huma u jitolbu r-rimborż tal-ispejjeż mediċi, jibagħtu d-dokumenti oriġinali li jivverifikaw it-talba. L-effett ta’ dan hu li l-Membri, f’intervalli frekwenti, huma meħtieġa jimlew bil-miktub formoli twal u kumplessi u jehmżu magħhom l-oriġinali tal-fatturi u dokumenti oħrajn li jivverifikaw it-talba, biex jiksbu r-rimborż għall-ispejjeż inkorsi.

(3)

Bil-għan li l-proċedura ssir anqas burokratika, il-Membri għandhom jiġu offruti l-possibilità li japplikaw għar-rimborż jew għall-ħlas b’mod elettroniku. Tkun ir-responsabilità tal-Membri biex iżommu d-dokumenti oriġinali li jivverifikaw it-talba għal żmien raġonevoli, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ kalendarju wara dik li fiha l-applikazzjoni għar-rimborż jew għall-ħlas tkun intbagħtet. Id-dipartimenti rilevanti tal-Parlament għandhom jattwaw sistema ta’ verifiki għal għarrieda abbażi tal-prassi standard ta’ awditjar biex jaċċertaw li l-kopji skenjati tad-dokumenti li jivverifikaw it-talba jikkorrispondu għall-oriġinali tagħhom.

(4)

Għalhekk, il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni għandhom ikunu emendati sabiex: jippermettu lill-Membri jibagħtu l-applikazzjonijiet għar-rimborż jew għall-ħlas tal-ispejjeż f’forma elettronika; jippermettu lill-Membri jibagħtu kopji skenjati tad-dokumenti oriġinali li jivverifikaw it-talba, akkumpanjati minn dikjarazzjoni fuq l-unur li dawn huma kopji awtentiċi; u jistabbilixxu ż-żmien sa meta l-Membri huma meħtieġa jżommu d-dokumenti oriġinali li jivverifikaw it-talba, u li matulu l-amministrazzjoni tal-Parlament tista’ tivverifika jekk il-kopji skenjati tad-dokumenti li jivverifikaw it-talba jikkorrispondux mal-oriġinali tagħhom.

(5)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 69(1) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni, l-ammonti tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-allowance ta’ sussistenza ta’ kuljum u l-allowance għall-ispejjeż ġenerali rimborżabbli jistgħu jintrabtu kull sena mal-indiċi tal-għoli tal-ħajja min-naħa tal-Bureau sa żieda massima ugwali għar-rata ta’ inflazzjoni annwali fl-Unjoni Ewropea f’Ottubru tas-sena ta’ qabel, kif ippublikat mill-Eurostat.

(6)

Ir-rata ta’ inflazzjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2013 sal-31 ta’ Ottubru 2014, kif notifikata mill-Eurostat fl-14 ta’ Novembru 2014 hija 0,5 %. L-ammonti l-ġodda li jirriżultaw mill-aġġustament meħtieġ bil-għan li titqies ir-rata ta’ inflazzjoni għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2015 u l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni għandhom ikunu emendati f’dan is-sens,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni huma emendati kif ġej:

1.

L-Artikolu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Proċedura

L-applikazzjonijiet għar-rimborż għandhom jintbagħtu lid-dipartiment kompetenti tal-Parlament jew direttament lill-Uffiċċju tas-Saldu tal-Kummissjoni, billi jintużaw formoli standard li magħhom jintbagħtu wkoll id-dokumenti li jivverifikaw it-talba.”

2.

Fl-Artikolu 20(1), il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

għall-parti tal-vjaġġ bejn 0 u 50 km: EUR 22,62;”

3.

L-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.

L-ammont massimu annwali li jista’ jiġi rimborżat f’dak li għandu x’jaqsam mal-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jsiru fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1)(b) għandu jkun EUR 4 264.”;

(b)

l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“L-ammont massimu annwali li jista’ jiġi rimborżat għal spejjeż tal-ivvjaġġar effettivament inkorsi mill-presidenti ta’ kumitati jew ta’ sottokumitati li jivvjaġġaw sabiex jattendu konferenzi jew avvenimenti li jittrattaw kwistjoni ta’ interess Ewropew fl-ambitu tar-responsabilità tal-kumitat jew tas-sottokumitat tagħhom u li jkollhom dimensjoni parlamentari, għandu jkun EUR 4 264. Parteċipazzjoni bħal din għandha teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel mill-President tal-Parlament, wara li ssir verifika li jkunu disponibbli l-approprjazzjonijiet sal-ammont massimu indikat hawn fuq.”

4.

Fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.

Jekk l-attività uffiċjali ssir fit-territorju tal-Unjoni, il-Membru jirċievi għotja ta’ flus ta’ darba ta’ EUR 306.”

5.

Fl-Artikolu 26, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.

L-ammont tal-allowance ta’ kull xahar skont l-Artikolu 25 għandu jkun EUR 4 320.”;

6.

L-Artikolu 66 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 66

Dokumenti ta’ verifika alternattivi

Fil-każ li jintilfu d-dokumenti meħtieġa li jivverifikaw it-talba, il-Membru jrid jibgħat dikjarazzjoni ta’ telf akkumpanjata mid-dokumenti alternattivi li jivverifikaw it-talba konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni.”

7.

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 72a

Dokumenti li jivverifikaw it-talba skenjati elettronikament

1.   Meta dawn il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni jirreferu għall-applikazzjonijiet mibgħuta għar-rimborż jew għall-ħlas, tali applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu f’forma elettronika flimkien ma’ firma diġitali.

2.   Meta dawn il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni jeħtieġu li jintbagħtu d-dokumenti li jivverifikaw it-talba, tali dokumenti jistgħu jintbagħtu fil-forma ta’ kopji skenjati, dment li l-Membru jiddikjara fuq l-unur li d-dokumenti mibgħuta jikkorrispondu għall-oriġinali tagħhom.

3.   Sabiex ikun jista’ jiġi aċċertat li l-kopji skenjati jkunu jikkorrispondu mad-dokumenti oriġinali li jivverifikaw it-talba, il-Membri għandhom iżommu l-oriġinali sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ kalendarju wara dik li fiha tkun intbagħtet l-applikazzjoni għar-rimborż jew għall-ħlas.

Id-dipartimenti rilevanti tal-Parlament għandhom jattwaw sistema ta’ verifiki għal għarrieda biex jaċċertaw li l-kopji skenjati tad-dokumenti li jivverifikaw it-talba jikkorrispondu għall-oriġinali tagħhom.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-istess data, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 1(2) sa 5, li għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2015.


(1)  Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1).

(2)  Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU C 159, 13.7.2009, p. 1).


Il-Kunsill

30.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 466/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Diċembru 2014

li taħtar u tissostitwixxi membri tal-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali

(2014/C 466/02)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 tal-10 ta' Frar 1975 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali, u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu (1),

Wara li kkunsidra n-nomina ppreżentata mill-Gvern Latvjan,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tiegħu tas-16 ta' Lulju 2012 (2), il-Kunsill ħatar il-membri tal-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali għall-perijodu mit-18 ta' Settembru 2012 sas-17 ta' Settembru 2015.

(2)

Post ta' membru fuq il-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru huwa disponibbli għal-Latvja fil-kategorija tar-rappreżentanti tal-Gvern bħala riżultat tar-riżenja tas-Sinjura Sanda LIEPINA.

(3)

Il-membri tal-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru msemmi hawn fuq għandhom jinħatru għall-bqija tal-mandat attwali, li jiskadi fis-17 ta' Settembru 2015.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-persuna li ġejja hija b'dan maħtura membru tal-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali għall-bqija tal-mandat, jiġifieri sas-17 ta' Settembru 2015:

RAPPREŻENTANTI TAL-GVERN:

IL-LATVJA

Is-Sinjura Inta ŠUSTA

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MARTINA


(1)  ĠU L 39, 13.2.1975, p. 1.

(2)  ĠU C 228, 31.7.2012, p. 3.


Il-Kummissjoni Ewropea

30.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 466/5


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-24 ta’ Diċembru 2014

(2014/C 466/03)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,2219

JPY

Yen Ġappuniż

147,07

DKK

Krona Daniża

7,4396

GBP

Lira Sterlina

0,78650

SEK

Krona Żvediża

9,5400

CHF

Frank Żvizzeru

1,2025

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,1511

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,777

HUF

Forint Ungeriż

316,08

LTL

Litas Litwan

3,45280

PLN

Zloty Pollakk

4,3078

RON

Leu Rumen

4,4628

TRY

Lira Turka

2,8410

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5053

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4164

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,4844

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5807

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6160

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 347,55

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

14,2498

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,5969

HRK

Kuna Kroata

7,6630

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 214,50

MYR

Ringgit Malażjan

4,2729

PHP

Peso Filippin

54,596

RUB

Rouble Russu

66,8863

THB

Baht Tajlandiż

40,169

BRL

Real Brażiljan

3,2921

MXN

Peso Messikan

18,0123

INR

Rupi Indjan

77,5589


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


30.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 466/6


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Id-29 ta’ Diċembru 2014

(2014/C 466/04)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,2197

JPY

Yen Ġappuniż

146,96

DKK

Krona Daniża

7,4404

GBP

Lira Sterlina

0,78420

SEK

Krona Żvediża

9,6234

CHF

Frank Żvizzeru

1,2028

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,0475

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,717

HUF

Forint Ungeriż

314,68

LTL

Litas Litwan

3,45280

PLN

Zloty Pollakk

4,3023

RON

Leu Rumen

4,4741

TRY

Lira Turka

2,8313

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4964

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4183

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,4632

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5644

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6134

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 341,07

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

14,1557

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,5920

HRK

Kuna Kroata

7,6580

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 128,58

MYR

Ringgit Malażjan

4,2659

PHP

Peso Filippin

54,558

RUB

Rouble Russu

68,0650

THB

Baht Tajlandiż

40,223

BRL

Real Brażiljan

3,2602

MXN

Peso Messikan

17,9281

INR

Rupi Indjan

77,6660


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

30.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 466/7


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.7475 — Edenred/Hermes/Eckstein/UTA)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/C 466/05)

1.

Fid-19 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha Edenred SA (Franza), Hermes Mineralol-GmbH (“Hermes”, il-Ġermanja) u Familien-Gesellshaft Eckstein mbH Verwaltungs-KG (“Eckstein”, il-Ġermanja) jakkwistaw skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt ta’ UNION TANK Eckstein GmbH & Co. KG u UNION TANK Eckstein GmbH (flimkien “UTA”, il-Ġermanja), permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   Edenred: il-provvediment ta’ servizzi korporattivi mħallsa minn qabel, id-disinn u l-ġestjoni ta’ soluzzjonijiet marbutin mal-benefiċċji tal-impjegati, spejjeż ta’ ġestjoni, inċentiv b’kumpens u l-ġestjoni ta’ programmi soċjali pubbliċi;

—   UTA: il-ħruġ u l-ġestjoni ta’ fjuwil u kards tas-servizz għal klijenti attivi fi prodotti kummerċjali u t-trasport tal-passiġġieri;

—   Hermes u Eckstein: kumpaniji azzjonarji tal-familja mingħajr operazzjonijiet ta’ negozju.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil partijiet terzi interessati biex iressqulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-faks (+32 22964301) bl-e-Mail lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, bin-numru ta’ referenza M.7475 — Edenred/Hermes/Eckstein/UTA, f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

30.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 466/8


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2014/C 466/06)

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“AGNELLO DI SARDEGNA”

Nru tal-KE: IT-PGI-0205-01227-6.5.2014

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Intestatura fl-Ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu tal-produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn [L-ippakkjar]

2.   Tip ta’ emenda

    Emenda tad-Dokument Uniku jew tal-Iskeda tas-Sommarju.

    Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tad-DPO jew tal-IĠP irreġistrata, li għaliha la d-Dokument Uniku u lanqas is-Sommarju ma ġew ippubblikati.

    Emenda tal-Ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-Dokument Uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    Emenda temporanja tal-Ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

L-ogħla kontenut ta’ proteini ġie mħassar. Il-kliem il-ġdid jippermetti lill-konsumatur jixtri l-laħam tal-“Agnello di Sardegna” b’livell ogħla ta’ proteini milli jista’ jagħmel dal-ħin.

Iċ-ċifra għall-estratt tal-eteru indikata fl-Ispeċifikazzjoni nbidlet minn “inqas minn 3 %” għal “inqas minn 3,5 %”. Hekk kif dawn l-annimali jirgħu fil-beraħ u parzjalment fil-beraħ f’ambjent kompletament naturali, il-kundizzjonijiet partikolari ambjentali u klimatiċi jistgħu jwasslu għal varjazzjonijiet f’din iċ-ċifra fil-karkassa; għaldaqstant, jeħtieġ li dan jitqies sabiex ma jkunx hemm ir-riskju li l-laħam tal-“Agnello di Sardegna” imrobbi bil-metodu ddefinit fl-Ispeċifikazzjoni jiġi eskluż mis-suq b’mod mhux iġġustifikat.

Metodu tal-produzzjoni

Twessgħet il-firxa tal-piż tal-kategoriji “fuq il-ħalib” u “ħfief”. Il-kategorija “fuq il-ħalib” inbidlet minn “5 sa 7 kg” għal “4,5 sa 8,5 kg”. Il-bdiewa li jrabbu dawn in-nagħaġ f’żoni muntanjużi u/jew imħattba talbu t-tnaqqis fil-piż minimu, peress li dawn in-nagħaġ għandhom tendenza li jkunu iżgħar min-nagħaġ imrobbi fil-pjanuri. Madankollu, iż-żieda fil-piż massimu hija meħtieġa minħabba t-titjib ġenetiku fir-razez, kif ukoll minħabba l-prattiki mtejbin fil-biedja u fit-tekniki tat-trobbija tan-nagħaġ u t-titjib fis-saħħa tan-nagħaġ, li wasslu biex il-ħrief fuq il-ħalib ikollhom piż kemxejn ogħla minn dak indikat fl-Ispeċifikazzjoni. Minħabba f’hekk, inbidel ukoll il-piż minimu tal-kategorija tan-nagħaġ “ħfief” minn “7” għal “8,5” kg.

Kundizzjonament

Sabiex jintlaħqu aħjar it-talbiet tal-katini tas-supermarkits il-kbar li, iktar ma jmur, iktar jixtiequ jipproċessaw il-prodotti fil-postijiet tal-bejgħ tagħhom stess, tneħħew ir-rabtiet ġeografiċi kollha għat-tħejjija u l-kundizzjonament tal-qatgħat tal-laħam tal-Ħaruf ta’ Sardinja mar-Reġjun ta’ Sardinja.

Ġiet imdaħħla l-qatgħa tal-“bust”, li jinkiseb meta jitneħħew ir-ras u l-intern. Iż-żieda ta’ din il-qatgħa tiddeskrivi aħjar il-qatgħat li jistgħu jiġu prodotti wara li jitneħħew ir-ras u l-ġewwieni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

“AGNELLO DI SARDEGNA”

Nru tal-KE: IT-PGI-0205-01227-6.5.2014

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem

“Agnello di Sardegna”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Deskrizzjoni tal-prodott

Klassi: 1.1 Laħam frisk (u l-ġewwieni)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Meta jitpoġġa għall-konsum, il-prodott tal-IĠP msejjaħ “Agnello di Sardegna” jkollu din id-dehra: laħam abjad, b’nisġa fina u sod, li jkun artab meta jissajjar u jkollu ftit ħjut ta’ grass. Il-karkassa m’għandhiex massa eċċessiva ta’ muskoli u għandha bilanċ tajjeb bejn l-għadam u l-muskoli.

L-analiżi organolettika għandha turi biċ-ċar il-karatteristiċi ta’ laħam tari, immerraq, b’aroma delikata u bi rwejjaħ partikolari li jikkaratterizzaw il-laħam frisk u żgħir fl-età.

Barra minn hekk, il-laħam għandu jkollu wkoll il-karatteristiċi fiżikokimiċi li ġejjin:

pH

> 6

Proteini (fuq il-prodott kif ikun)

≥ 13 %

Proteini (fuq il-prodott kif ikun)

< 3,5 %

Il-laħam tal-IĠP msejjaħ “Agnello di Sardegna” ġej mill-ħrief li jitwieldu u jitrabbew f’Sardinja, li ġejjin min-nagħaġ tar-razza Sarda jew minn razez tal-ewwel ġenerazzjoni mħalltin mar-razez tal-laħam “Ile De France” u “Berrichon Du Cher” jew ma’ razez tal-laħam oħrajn li huma speċjalizzati u ttestjati sew.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss)

Il-ħrief “fuq il-ħalib” (bejn 4,5 u 8,5 kg) jridu jingħalfu biss bil-ħalib t’ommhom (tirdigħ naturali) u l-ħrief “ħfief” (bejn 8,5 u 10 kg) u l-ħrief “għat-tqattigħ” (bejn 10 u 13-il kg) jridu jingħalfu bil-ħalib tal-omm imħallat ma’ għalf naturali frisk jew imnixxef (għalf u ċereali) u ma’ pjanti selvaġġi tipiċi tal-gżira ta’ Sardinja.

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta msejħa “Agnello di Sardegna” hija rriżervata esklussivament għall-ħrief imwielda, imrobbija u maqtula f’Sardinja.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Fiż-żona tal-produzzjoni, m’hu propost l-ebda ppakkjar partikolari għall-bejgħ tal-karkassi tal-ħrief sħaħ u dawn jistgħu jiġu kkummerċjalizzati skont ir-regolamenti tal-iġjene u tas-saħħa li huma fis-seħħ, u billi jintuża trasport refriġerat adattat.

L-IĠP msejħa “Agnello di Sardegna” tista’ tinħareġ għall-konsum bħala karkassa sħiħa jew imqatta’ fil-qatgħat li ġejjin:

(a)   il-Ħaruf ta’ Sardinja “fuq il-ħalib” (bejn 4,5 u 8,5 kg):

1.

sħiħ;

2.

nofs karkassa (miksuba permezz ta’ tqattigħ saġittali f’żewġ partijiet simettriċi);

3.

ir-robbu ta’ quddiem u ta’ wara (sħaħ jew bħala fletti);

4.

ir-ras u l-intern;

5.

il-bust, miksub meta jitneħħew ir-ras u l-intern;

6.

l-ispalla, il-koxxa u l-lojn (bħala partijiet anatomiċi sħaħ jew bħala fletti);

7.

pakkett imħallat (li jkun fih taħlita tal-partijiet anatomiċi deskritti hawn fuq).

(b)   il-Ħaruf ta’ Sardinja “ħafif” (bejn 8,5 u 10 kg) u l-Ħaruf ta’ Sardinja “għat-tqattigħ” (bejn 10 u 13-il kg):

1.

sħiħ;

2.

nofs karkassa (miksuba permezz ta’ tqattigħ saġittali f’żewġ partijiet simettriċi);

3.

ir-robbu ta’ quddiem u ta’ wara (sħaħ jew bħala fletti);

4.

ir-ras u l-intern;

5.

il-bust, miksub meta jitneħħew ir-ras u l-intern;

6.

ir-robbu ta’ wara: iż-żewġ koxox sħaħ, inkluż il-lojn sħiħ bil-flett (tal-lemin u tax-xellug);

7.

il-qatgħa lombari: in-naħa ta’ fuq tas-sinsla tad-dahar, inklużi l-aħħar żewġ kustilji u l-ġnub taż-żaqq;

8.

il-lonża: il-parti ta’ fuq ta’ quddiem tad-dahar;

9.

ir-ramp: iż-żewġ flettijiet;

10.

ir-robbu ta’ quddiem: l-ispalel, il-parti mgħaddma, l-għonq u l-kustiljata ta’ fuq tal-parti ta’ quddiem;

11.

spalel bl-għonq: iż-żewġ spallejn mal-għonq;

12.

il-koxxa sħiħa: is-sieq, il-koxxa, l-ilju u l-ossu sagru u l-parti ta’ wara tal-lojns;

13.

koxxa mqassra: il-partijiet ta’ wara tan-naħa tal-ilju u tal-ossu sagru u l-parti ta’ wara tal-lojns.

Qatgħat oħrajn:

14.

il-lojn bil-flett: l-ilju u l-ossu sagru, bl-aħħar vertebra lombari jew mingħajrha;

15.

flett: jinkludi ż-żona lombari;

16.

il-kustilja sħiħa: il-parti ta’ quddiem tad-dahar, inkluż l-ewwel u t-tieni kustilja;

17.

il-lojn mikxuf: il-parti ta’ quddiem magħmula mill-ewwel ħames vertebri tas-sinsla tad-dahar;

18.

l-ispalla: sħiħa;

19.

l-għonq: il-parti tal-għonq;

20.

il-kustiljata ta’ fuq; il-parti toraċika ta’ isfel;

21.

l-ispalla, il-koxxa u l-lojn (bħala partijiet anatomiċi sħaħ jew bħala fletti);

22.

pakkett imħallat (li jkun fih taħlita tal-partijiet anatomiċi deskritti hawn fuq).

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

L-IĠP msejħa “Agnello di Sardegna” trid tiġi kkummerċjalizzata bħala qatgħa sħiħa u/jew imqatta’ f’biċċiet u l-pakketti tal-karkassi sħaħ jew imqatta’ f’biċċiet li jkunu mmarkati bl-IĠP, jew it-tabelli mwaħħlin fuqhom għandhom juru l-informazzjoni stabbilita fir-regoli rilevanti b’tipa ċara u li ma tiħassarx.

B’mod partikolari, il-pakketti li titneħħielhom l-arja jew li jkollhom xi forma oħra awtorizzata bil-liġi, għandu jkollhom l-informazzjoni li ġejja fuqhom:

(a)

l-IĠP tal-“Agnello di Sardegna” u l-lowgo tagħha;

(b)

it-tip ta’ laħam;

(c)

il-qatgħa.

Il-lowgo, li jikkonsisti minn ħaruf stilizzat, juri ras u qawqab. Id-dawra ta’ barra għandha l-forma ta’ Sardinja. It-tipa li tintuża għall-kliem “Agnello di Sardegna” hija dik imsejħa “Block”.

Il-bordura ta’ madwar il-marka u tal-ħaruf huwa l-“Pantone 350” (lewn blu fl-aħdar 63 %, isfar 90 % u iswed 63 %); l-isfond tal-marka huwa l-“Pantone 5763” (lewn blu fl-aħdar 14 %, isfar 54 % u iswed 50 %).

Image

Ma tista’ tiżdied l-ebda deskrizzjoni oħra mhux prevista b’mod espress fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott mal-indikazzjoni protetta, inklużi l-aġġettivi li jiddeskrivuh bħala fin, magħżul, selezzjonat, superjuri jew ġenwin.

Madankollu, jistgħu jintużaw ismijiet ta’ postijiet awtentiċi addizzjonali bħall-ismijiet storiċi jew ġeografiċi jew l-ismijiet ta’ muniċipalitajiet, intrapriżi, impriżi u azjendi, b’rabta mat-trobbija, il-qatla u l-ippakkjar tal-prodott, sakemm dawn ma jkunux ismijiet li jfaħħru l-prodott u ma jkunux ismijiet li jistgħu jingannaw lill-konsumatur. Dawn ir-referenzi għandhom jidhru fuq it-tikketta b’karattri li jkunu daqs terz it-tipa użata għat-taqsira tal-IĠP.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-Ħaruf ta’ Sardinja jitkabbar fir-Regjun kollu ta’ Sardinja.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifità taż-żona ġeografika

Il-gżira ta’ Sardinja għandha klima essenzjalment Meditteranja b’xitwa moderata u relattivament bix-xita u bi sjuf sħan u xotti.

L-effett tal-baħar jinħass kważi kullimkien fuq din il-ġżira u jwassal għal temperaturi medji li mhumiex ħorox wisq, b’medja annwali ta’ bejn 14-il °C u 18-il °C. Ix-xita tinżel l-iktar f’Novembru u f’Diċembru, filwaqt li f’Lulju u Awwissu ma tinżel kważi xejn, u matul il-bqija tas-sena tkun irregolari ħafna. B’mod ġenerali, ix-xita mhix skarsa ħafna (b’medja ta’ 500 sa 800 mm fis-sena).

Ir-riħ huwa fost l-iktar elementi klimatiċi importanti f’Sardinja: il-Majjistral, li huwa riħ kiesaħ, jonfoħ b’qawwa kbira fix-xitwa iżda minn żmien għall-ieħor ukoll fi staġuni oħra. Fl-aħħar tal-Ħarifa, jkun hemm b’mod predominanti rjieħ umdi li jiġu mill-Atlantiku filwaqt li fir-Rebbiegħa jkun hemm irjieħ sħan u xotti li jiġu mill-Afrika (jiġifieri min-Nofsinhar).

Minħabba l-popolazzjoni żgħira tagħha u l-karattru insulari tagħha, li ffavorixxa l-iżolament miż-żoni ta’ madwarha, Sardinja kkonservat, sal-ġurnata ta’ llum, ħafna mill-aspetti naturali oriġinali tagħha, li ħafna minnhom huma partikolari għal dan ir-reġjun: ħafna drabi l-pajsaġġ huwa salvaġġ, aħrax u abbandunat, u xi drabi dan jirriżulta f’ambjent sabiħ u attraenti li rari ssibu fil-Mediterran. Dan ifisser li Sardinja kkonservat b’mod kważi mhux mimsus għadd ta’ speċijiet ta’ pjanti antiki li nbidlu jew ġew estinti fi bnadi oħra. Il-parti l-kbira tal-gżira, li fiha minn dejjem kienet tiddomina t-tradizzjoni tat-trobbija tal-annimali f’mergħat fil-miftuħ, hija mimlija mergħat kemm bl-isteppa tal-bur u bl-arbuxelli. Il-flora l-iktar rikka, mifruxa u mimlija ħajja hija ċertament il-ġmiem li jikkaratterizza l-pajsaġġ ta’ Sardinja li jinsab sa madwar 800 metru ‘l fuq mil-livell tal-baħar, u li xi kultant jifforma msaġar b’siġar li jikbru sfiq ġo xulxin iżolati u pittoreski fl-irdumijiet kostali mikxufin. Il-ġmiem huwa magħmul minn taħlita tipika ta’ arbuxelli dejjem iħaddru, li jistgħu jikbru sa bejn 4 u 5 metri f’ħamrija iktar fonda u umduża, li mbagħad jissejjaħ “ġmiem tal-għoli”. Hawn l-ispeċijiet huma primarjament l-oleastru (iż-żebbuġ salvaġġ), id-deru, il-ħarrub, ir-riħan, ir-rand, l-għargħar u s-siġar tal-familja taċ-Cistaceae. Ħafna drabi l-oleastri jikbru fi kwantitajiet kbar mal-ġnub tan-nixxiegħat. Hemm ukoll ġmiem iktar baxx, b’arbuxelli għoljin madwar 50 ċm, magħruf bħala “xagħri”, li jinkludi s-salvja, il-klin, il-ħxejjex imħattbin tal-familja tal-Ericaceae, is-sagħtar, il-ġummar, eċċ. Ta’ min jinnota wkoll li hemm imsaġar b’siġar tal-palm nanu li jikbru sfiq ġo xulxin.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Qabel xejn, l-IĠP tal-“Agnello di Sardegna” jingħaraf mid-daqs ċkejken tiegħu: hemm differenza kbira bejn il-laħam tal-IĠP tal-“Agnello di Sardegna” u laħam ieħor li jkun ġej minn annimali oħrajn ta’ piż ikbar imrobbijin għal bosta funzjonjijiet, li ta’ spiss ikollu togħma partikolari li l-konsumaturi mhux dejjem japrezzaw. Min-naħa l-oħra, il-laħam tal-IĠP tal-“Agnello di Sardegna” dejjem ikollu togħma pjaċevoli minħabba li fil-kisja tax-xaħam tiegħu, ftit li xejn għandu xaħmijiet saturati, u b’hekk huwa iktar għani fit-togħma u fih aktar ktajjen ta’ xaħmijiet mhux saturati li jistgħu jiġu ddiġeriti b’mod iktar faċli (minħabba li l-ħrief jingħalfu bil-ħalib f’mergħat naturali).

Ix-xaħam fil-karkassa jikkumplimenta b’mod naturali l-laħam u ħafna minnu jintilef mas-sajran, u għaldaqstant il-laħam jiġi perfettament immerraq u pjaċevoli u, b’mod partikulari, aktar artab u mmerraq meta jittiekel. L-IĠP tal-“Agnello di Sardegna” hija kkaratterizzata mil-laħam artab u abjad tiegħu, li għandu aroma qawwija u diġestibbiltà eċċellenti u li għandu kontenut baxx ta’ xaħam fih.

Il-laħam tal-IĠP tal-“Agnello di Sardegna” huwa ikel ideali mhux biss minħabba t-togħma tiegħu, iżda wkoll minħabba l-kwalità nutrizzjonali tiegħu, għax fih kontenut għoli ta’ proteini sħaħ. Dan jagħmel lil dan it-tip ta’ laħam adattat b’mod partikolari għal dawk in-nies li jeħtieġu dieta b’ikel ħafif iżda li jagħtihom ħafna l-enerġija.

Il-laħam tal-IĠP tal-“Agnello di Sardegna” huwa bijoloġikament prodott tajjeb u ħieles għalkollox minn kull kontaminazzjoni kimika jew bijotika. Minħabba l-età żgħira tal-ħrief tar-razza Sarda, dawn mhumiex suġġetti għall-għalf sfurzat, għall-istress mill-ambjent jew għal trattamenti ormonali peress li jitrabbew fil-beraħ f’ambjent kompletament naturali.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-karatteristiċi tal-“Agnello di Sardegna” jistgħu jiġu attribwiti kollha kemm huma għar-reġjun tal-oriġini tiegħu.

It-togħma distinta u salvaġġa hija riżultat dirett tal-fatt li l-ħrief jingħalfu bil-ħalib t’ommhom u b’ikel naturali u jitrabbew fil-beraħ. Għaldaqstant, il-ħrief tal-“Agnello di Sardegna” jitrabbew f’bini miftuħ u f’ambjent kompletament naturali kkaratterizzat minn żoni kbar miftuħin li huma kontinwament esposti għal xemx qawwija, għall-irjieħ u għall-kundizzjonijiet l-oħra tat-temp li jkun hemm f’Sardinja.

It-trobbija fil-beraħ tal-“Agnello di Sardegna” tfisser li l-ikel tiegħu huwa kważi uniku: il-ħrief “fuq il-ħalib” jingħalfu biss bil-ħalib t’ommhom u mbagħad meta jikbru, dawn isegwu lil ommhom meta din tmur tirgħa, u għaldaqstant id-dieta tagħhom tiġi ssuplimentata b’għalf naturali, bil-ħaxix u bil-pjanti salvaġġi u aromatiċi karatteristiċi tal-ħabitat tal-gżira. Matul is-snin, iċ-ċikli bijoloġiċi u riproduttivi tar-razza Sarda ġew adattati għall-ambjent tagħhom; għaldaqstant, in-nagħaġ ikollhom iż-żgħar fl-aħħar tal-Ħarifa mal-ewwel xita u meta l-veġetazzjoni terġa’ tibda tikber mill-ġdid. Għal dawn ir-raġunijiet, il-laħam ta’ din ir-razza huwa apprezzat b’mod partikolari għall-karatteristiċi organolettiċi tiegħu. Barra minn hekk, id-dieta bil-ħalib tal-omm ma tiddeterminax biss il-kwantità tax-xaħam iżda wkoll il-kwalità tiegħu. Ix-xaħmijiet assorbiti waqt it-tirdigħ jiddeterminaw il-kompożizzjoni tax-xaħam fil-ġisem matul iż-żmien tat-tkabbir. Barra minn hekk, it-trobbija fil-beraħ tiggarantixxi li l-ħrief ikunu b’saħħithom u li dawn jagħmlu biżżejjed attività fiżika, speċjalment f’ambjent naturali bħal dak ta’ Sardinja bl-ispazji miftuħin u wesgħin tagħha u b’pajsaġġ li mhuwiex affettwat mill-attivitajiet industrijali u umani. Il-pajisaġġ ta’ Sardinja għandu kwalità li ttih livell eċċezzjonali ta’ uniformità, li hija l-ftuħ tiegħu, minħabba n-nuqqas ta’ siġar ikkultivati, u dan dejjem ifakkar lil dak li jkun fil-prevalenza tar-ragħa tal-bhejjem. Din l-impressjoni tirrifletti r-realtà: Sardina hija ġżira ta’ rgħajja u t-trobbija tan-nagħaġ hija bla dubju l-iktar attività ekonomika importanti f’din il-ġżira. F’Sardinja nsibu 40 % tal-popolazzjoni totali tan-nagħaġ fl-Italja. Fil-fatt, f’din il-gżira hemm 3 294 044 nagħġa mrobbijin f’16 410 azjendi mqassmin mal-ġżira kollha.

Għaldaqstant, Sardinja għadha sal-ġurnata ta’ llum ġżira ta’ rgħajja, bħalma dejjem kienet matul is-sekli. It-trobbija tan-nagħaġ hawnhekk tmur lura għaż-żmien prenuraġiku u fil-binjiet imsejħin “nuraghi” nstabu fdalijiet tal-ewwel għodod użati biex jiġi pproċessat il-ħalib. Hemm bosta referenzi għat-trobbija tan-nagħaġ fid-dokumenti tal-epoka Rumana. Ir-razza tal-annimali msejħa “Sarda” ġiet stabbilita fil-gżira tul sekli twal permezz ta’ adattament kontinwu bi tweġiba għat-tgħammir selettiv minn dawk li jrabbu n-nagħaġ. Essenzjalment, din ġejja minn proċess twil ta’ interazzjoni bejn il-bniedem u t-territorju jew, fi kliem ieħor, bejn il-bniedem, it-territorju u r-razez tal-annimali.

Illum il-bdiewa jipprovdu l-istess kura u attenzjoni lill-merħliet tagħhom bħalma ilhom jagħmlu għal sekli sħaħ u, billi ppreservaw it-tradizzjonijiet antiki, huma żguraw li l-Ħaruf ta’ Sardinja llum għandu l-istess kwalità pura unika u l-istess tjubija li dejjem kellu.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

The Ministry launched the national opposition procedure with the publication of the amendment application regarding “Agnello di Sardegna” Protected Geographical Indication in the Official Gazette of the Italian Republic No 61 of 14 March 2014.

It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fis-sit tal-Internet li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew

billi wieħed imur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit tal-Internet tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, tal-Ikel u tal-Forestrija (www.politicheagricole.it), u jagħfas fuq “Qualità e sicurezza” (li tinsab fuq nett tal-iskrin, fuq in-naħa tal-lemin) u mbagħad jagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 3.