ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 458

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
19 ta' Diċembru 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

501 Sessjoni Plenarja tal-KESE fl-10 u l-11 ta' Settembru 2014

2014/C 458/01

Opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza dwar L-istruttura u l-organizzazzjoni tad-djalogu soċjali fil-kuntest ta' Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) ġenwina (Opinjoni esploratorja)

1

2014/C 458/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-politiki Ewropej tal-immigrazzjoni (Opinjoni esploratorja)

7

2014/C 458/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-investiment b'impatt soċjali (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

14

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

501 Sessjoni Plenarja tal-KESE fl-10 u l-11 ta' Settembru 2014

2014/C 458/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kumpaniji privati b'responsabbiltà limitata b'membru unikuCOM(2014) 212 final – 2014/0120 (COD)

19

2014/C 458/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward tagħmir li juża l-gassCOM(2014) 258 final – 2014/0136 (COD)

25

2014/C 458/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li jikkonċerna l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku u JonjuCOM(2014) 357 final u dwar L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun Adrijatiku u Jonju: riċerka, żvilupp u innovazzjoni fl-SMEs (opinjoni esploratorja tal-Presidenza Taljana tal-UE)

27

2014/C 458/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi viża itineranti u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 562/2006 u (KE) Nru 767/200 — COM(2014) 163 final – 2014/0095 (COD) u dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Kodiċi tal-Unjoni dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) — COM(2014) 164 final – 2014/0094 (COD)

36

2014/C 458/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat — COM(2014) 221 final – 2014/0124 (COD)

43

2014/C 458/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi projbizzjoni fuq is-sajd bix-xbieki tas-sajd bl-għeżula tat-tisqif, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 812/2004, (KE) Nru 2187/2005, (KE) Nru 1967/2006 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 894/97 — COM(2014) 265 final – 2014/0138 (COD)

52

2014/C 458/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar is-saħħa mobbli (mobile Health – mHealth)COM(2014) 219 final

54

2014/C 458/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Istrateġija tas-Sigurtà Marittima tal-UE

61

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

501 Sessjoni Plenarja tal-KESE fl-10 u l-11 ta' Settembru 2014

19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 458/1


Opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza dwar “L-istruttura u l-organizzazzjoni tad-djalogu soċjali fil-kuntest ta' Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) ġenwina”

(Opinjoni esploratorja)

(2014/C 458/01)

Relatur:

is-Sur Dassis

Nhar il-5 ta’ Frar 2014, il-Parlament Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

L-istruttura u l-organizzazzjoni tad-djalogu soċjali fil-kuntest ta' Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) ġenwina

Opinjoni esploratorja

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-27 ta’ Awwissu 2014.

Matul l-501 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-10 u l-11 ta’ Settembru 2014 (seduta tal-11 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’169 vot favur, vot kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet

1.1

Id-djalogu soċjali tal-UE huwa element inerenti tal-bini tal-Ewropa u tal-politiki u l-azzjonijiet biex noħorġu mill-kriżi, għat-tkabbir u għall-impjiegi li bilfors iridu jissejsu fuq ir-rikkezza tad-djalogu soċjali fil-livelli kollha, nazzjonali, settorjali, lokali u fl-intrapriżi.

1.2

Id-djalogu soċjali huwa bipartitiku bejn l-imsieħba soċjali, u jissaħħaħ bil-konsultazzjoni tripartitika mal-istituzzjonijiet u l-korpi politiċi Ewropej u ma' diversi forom ta' konsultazzjoni fil-livell Ewropew u nazzjonali.

1.3

Wieħed għandu jiddistingwi b'mod ċar id-djalogu soċjali, is-suġġett ta' din l-Opinjoni, u d-djalogu ċivili: it-tnejn li huma jeżistu. Għalkemm ma jistgħux jitwaħħdu biex isiru kunċett wieħed, peress li fil-livell Ewropew it-trattat jiddefinixxi l-parteċipanti, il-kompetenzi u l-proċeduri involuti fid-djalogu soċjali u jagħti lill-imsieħba soċjali rwol kważi leġislattiv fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-sens l-iżjed wiesgħa, xorta m'għandhomx ikunu kompletament maqtugħin minn xulxin. L-imsieħba soċjali Ewropej stess diġà wessgħu l-ambiti ta' intervent tagħhom, bħala parti minn approċċ miftuħ, u qed jimplimentaw b'mod speċifiku l-azzjonijiet ma' ċerti assoċjazzjonijiet u NGO Ewropej.

1.4

L-imsieħba soċjali għandhom ikomplu jsaħħu l-awtonomija tagħhom u l-kapaċitajiet tagħhom fin-negozjati kollettivi. L-istituzzjonijiet Ewropej iridu jqisu d-dikjarazzjoni konġunta tagħhom dwar il-governanza, maħruġa f'Ottubru 2013 (1). Huwa d-dmir tal-istituzzjonijiet, u b'mod partikolari l-Kummissjoni, li jiffaċilitaw id-djalogu soċjali Ewropew u li jappoġġjaw l-implimentazzjoni konkreta tal-acquis tagħhom, kemm fil-livell interprofessjonali kif ukoll dak settorjali.

1.5

L-imsieħba soċjali jridu jinforzaw bl-istess mod l-effikaċja tal-applikazzjoni tal-ftehimiet awtonomi tagħhom, sabiex jiġu koperti l-pajjiżi kollha u tiġi garantita applikazzjoni korretta, tad-drittijiet definiti f'dawn il-ftehimiet, lill-ħaddiema u lill-intrapriża kollha tat-territorju tal-Unjoni Ewropea, skont il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali.

1.6

Il-kumplessità u d-daqs tal-isfidi li nħolqu mill-kriżi u mit-tibdil ekonomiku u soċjali jirrikjedu immedjatament kooperazzjoni mal-atturi l-oħra tas-soċjetà ċivili rappreżentattivi, b'rispett tar-responsabbiltajiet u l-kompetenzi ta' kulħadd.

2.   Mill-KEFA għall-UEM: l-importanza tal-imsieħba soċjali u tad-djalogu soċjali fil-binja Ewropea

2.1

L-impenn tat-trejdjunjins u ta' min iħaddem fil-binja Ewropea ma żviluppax mill-bżonn iżda, lil hinn mid-diverġenzi, mill-konvinzjoni li l-Komunità Ewropea kienet l-uniku mod kif iċ-ċittadini tagħna jingħaqdu fil-paċi, id-demokrazija, it-tkabbir ekonomiku u l-progress soċjali. L-istorja tal-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fl-iżvilupp tal-binja Ewropea, mill-KEFA għall-UEM, hija għalhekk mmarkata minn dan l-impenn fundamentali u turi r-rwol deċiżiv li qdew u li jridu jkomplu jaqdu l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u t-trejdjunjins f'din il-fażi attwali tal-UEM, sabiex jilqgħu l-isfidi marbutin mal-kriżi u t-tibdil strutturali fil-pajjiżi tagħna. F'dan il-kuntest, l-UEM għandha tassigura rkupru ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li jkun sostenibbli u joħloq impjiegi ta' kwalità. Għandha tkun impenjata mal-atturi kollha f'kull qasam tar-responsabbiltajiet tagħhom. Id-dimensjoni Ewropea tad-djalogu soċjali għandha tqis ukoll il-kuntest tal-globalizzazzjoni u tippermetti lill-UE tkun parti minn regolamentazzjoni globali meħtieġa li għandha/sabiex tiżgura, kif il-KESE ħabbar fl-Opinjoni tiegħu ta' Mejju 2007 (2), li “d-dimensjoni kemm tal-globalizzazzjoni b'dimensjoni umana kif ukoll l-integrazzjoni Ewropea” jsiru “kwistjonijiet li jinvolvu lill-poplu u s-soċjetà ċivili organizzata”.

2.2

Fl-esperjenza speċifika tiegħu, il-Kumitat Konsultattiv tal-KEFA wera kemm hu effikaċi f'kull wieħed mill-aspetti ta' interess għall-industrijalisti u għall-ħaddiema, jiġifieri, il-politika industrijali, il-progress tas-suq, l-istrumenti ta' intervent soċjali kif ukoll ir-riċerka teknika u soċjali. Għaldaqstant, fit-trattati, għandhom jinżammu – u jridu jiġu żviluppati iktar – minn naħa, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-politika industrijali, u min-naħa l-oħra, l-istrumenti ta' koordinament soċjali. Strument bħall-KESE, bħala parti mir-responsabbiltajiet tiegħu, jista' jaqdi wkoll rwol importanti fl-appoġġ u l-antiċipazzjoni, kif kien il-każ bl-Opinjoni tiegħu dwar il-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali tal-Ħaddiema (1989) (3).

2.3

Kien fl-1985, bit-tnedija ta' djalogu soċjali bipartitiku, promoss minn Jacques Delors, il-President tal-Kummissjoni, li d-djalogu soċjali fil-livell Komunitajru evolva lejn spazju Ewropew reali ta' negozjar.

2.4

L-imsieħba soċjali għamlu kisba fundamentali bil-ftehim tagħhom tal-31 ta' Ottubru 1991, li ġie integrat fil-Protokoll Soċjali tat-Trattat ta' Maastricht (4). Huma kkonfermaw ir-rieda tagħhom li jipparteċipaw fil-governanza soċjali tal-UE billi huma stess isiru regolaturi permezz tan-negozjati paralleli għad-dimensjoni leġislattiva.

2.5

Sussidjarjetà: il-prinċipju tas-sussidjarjetà, ġeneralment ifisser li fil-livell superjuri – l-Unjoni Ewropea – isir biss dak li ma jistax isir fil-livell inferjuri – l-Istati Membri – ħlief b'mod inqas effikaċi (Artikolu 5 tat-TUE). Fil-fatt, il-prattika li tikkonsisti fid-delega lill-imsieħba soċjali tal-kapaċità li jsolvu huma stess, fil-qafas tad-djalogu soċjali, il-problemi li fuqhom għandhom kompetenza, tista' tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni oħra tal-istess prinċipju tas-sussidjarjetà (5). Din il-kapaċità hija mogħtija b'mod dirett lill-imsieħba soċjali Ewropej permezz tal-Artikoli 154 u 155 tat-TFUE. Sakemm fil-prattika jkunu segwiti b'mod effettiv u regolari, u pubbliċizzati biżżejjed, dawn id-dispożizzjonijiet, li jqarrbu iżjed il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet lejn il-pubbliku, jistgħu jippromovu r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata b'mod ġenerali u jiġġieldu kontra l-immaġni ħażina li l-pubbliku għandu tal-UE u l-istituzzjonijiet tagħha bħala poteri mbiegħda.

3.   Integrazzjoni monetarja dejjem aktar b'saħħitha iżda governanza ekonomika u integrazzjoni soċjali li għadhom dgħajfa

3.1

Minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja li qed taħkem il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Unjoni hemm it-tendenza li r-riċerka dwar il-kompetittività tikkonċentra fuq l-ispejjeż immedjati tal-produzzjoni (spejjeż għal salarji, spejjeż fuq materja prima, eċċ.), sabiex l-Ewropa tagħmel sforzi kbar ħafna biex kun tista' tilħaq livell ta' eċċellenza b'mod iktar faċli fil-qasam tal-kompetittività “bla spejjeż immedjati”: kwalità tal-prodotti u s-servizzi, riċerka u innovazzjoni, kwalità tax-xogħol u tar-relazzjonijiet soċjali, organizzazzjoni tax-xogħol u responsabbiltà soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, eċċ.

3.2

Sabiex tingħeleb il-kriżi u terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini, wasal iż-żmien li tiġi stimulata l-ekonomija permezz tal-investimenti pubbliċi, privati u soċjali (ara l-Opinjoni tal-KESE (6)), kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak tal-Istati Membri, għal żvilupp sostenibbli u innovattiv li jiġġenera impjiegi ta' kwalità u l-progress soċjali kif ukoll jiggarantixxi kundizzjonijiet makroekonomiċi sani u sostenibbli.

3.3

F'Ottubru 2013, l-imsieħba soċjali Ewropej adottaw għaxar prinċipji li jirrikjedu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-governanza ekonomika tal-UE (7). It-tieni prinċipju huwa dan li ġej: id-djalogu soċjali u r-relazzjonijiet industrijali żviluppati tajjeb fil-livelli kollha jikkostitwixxu element ċentrali tal-mudell soċjali Ewropew u tal-gvern demokratiku. Għaldaqstant hija essenzjali parteċipazzjoni adatta tal-imsieħba soċjali għall-politiki ekonomiċi u tal-impjieg.

3.4

Għall-ħames prinċipju, l-imsieħba soċjali jindikaw li Id-djalogu soċjali jista' jkun il-mutur ta' riformi ekonomiċi u soċjali li jiksbu suċċess. L-imsieħba soċjali jistgħu jikkontribwixxu għal sensibilzzazzjoni mtejba dwar il-għall-konsegwenzi tat-tibdil ekonomiku u soċjali fuq is-sistemi soċjali u s-suq tax-xogħol. Huma jistgħu anke jkollhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet li jistimulaw il-ħolqien tal-impjieg, l-aktar bil-faċilitazzjoni tal-irkupru ekonomiku, l-inseriment professjonali u l-integrazzjoni soċjali.

3.5

Id-djalogu soċjali għalhekk irid jissaħħaħ fir-rigward tal-awtonomija tiegħu u tal-importanza tal-kontributi tiegħu sabiex ikun kapaċi jindirizza l-isfidi tal-mument.

3.6

Id-djalogu soċjali Ewropew irid iserraħ fuq ir-rikkezza tad-djalogu soċjali nazzjonali fil-livelli differenti: interprofessjonali, settorjali, territorjali u tal-intrapriża. Fuq dawn il-livelli, bħalissa, f'għadd sinifikattiv ta' pajjiżi, qed tiddgħajjef il-kopertura mill-ftehimiet kollettivi – notevolment minħabba interventi Ewropej fil-qafas tal-governanza –, u dan qed iwassal biex jipperikola is-sitwazzjoni tal-ħaddiema u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' inugwaljanzi.

3.7

Għandu jiġi stabbilit approċċ ġdid li jqis aħjar id-dimensjoni territorjali, sabiex, qabel kollox, jinstabu reazzjonijiet adatti għall-konsegwenzi ta' każijiet ta' ristrutturazzjoni li jinkludu t-tkeċċija ta' ħaddiema u l-għeluq ta' siti. Infatti, dawn is-sitwazzjonijiet ta' sikwit ikollhom impatt lokali u reġjonali drammatiku, mhux biss għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, iżda wkoll għall-awtoritajiet lokali u għall-intrapriżi li jiddipendu wkoll, direttament jew indirettament, mis-sit milqut.

3.8

F'dan il-perjodu diffiċli ta' tibdil u aġġustamenti, wieħed jista' jaħseb li dinamika mexxejja tista' tiġi miż-żona tal-Euro li l-governanza tagħha hija aktar żviluppata u fejn jista' jkun hemm aktar azzjoni koerenti b'saħħitha. Din id-dinamika trid tqis il-ħtieġa li tinżamm il-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-UE kollha. Minħabba r-riskji tad-diverġenzi soċjali li diġa jeżistu, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' segwitu tad-disparitajiet, sabiex tkun tista' tittieħed azzjoni korrettiva. Dan is-segwitu għandu jistrieħ fuq sorveljanza msaħħa u għandu jikkunsidra l-interdipendenza tas-sistemi tal-impjieg. Jista' jingħata f'idejn il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, fejn huma bbażati l-ħidmet tal-Kumitat tal-Impjieg, li stabbilixxa l-“monitoraġġ taċ-ċifri tal-impjieg”.

4.   Il-forom differenti ta' koordinazzjoni, konsultazzjoni u djalogu soċjali: l-isfida ta' governanza ġdida

4.1

Mid-dikjarazzjoni ta' Laeken dwar id-djalogu soċjali (2001) għad-dikjarazzjoni konġunta tal-imsieħba soċjali dwar il-governanza (2013), wieħed jista' josserva żvilupp kontinwu tal-ħsieb:

4.1.1

Adozzjoni ta' definizzjonijiet preċiżi: wieħed għandu jitfakkar fil-kontribut tal-imsieħba soċjali għas-Summit ta' Laeken (Diċembru 2001) (8):

L-UNICE/UEAPME, is-CEEP u l-ETUC jinsistu fuq l-importanza li ssir distinzjoni ċara bejn it-tliet tipi differenti ta' attivitajiet li jinvolvu lill-imsieħba soċjali:

1.

il-konsultazzjoni tripartitika li turi l-iskambji bejn l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi Ewropej,

2.

il-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali li turi l-attivitajiet tal-kumitati konsultattivi u l-konsultazzjonijiet uffiċjali fl-ispirtu tal-Artikolu 137 tat-Trattat,

3.

id-djalogu soċjali li juri l-ħidma bipartitika tal-imsieħba soċjali li toriġina jew mhux mill-konsultazzjonijiet uffiċjali tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikoli 137 u 138 tat-Trattat.

4.1.2

Tisħiħ tar-rwol tal-imsieħba soċjali fil-governanza tal-UE: id-dikjarazzjoni konġunta importanti tal-imsieħba soċjali tal-24 ta' Ottubru 2013 (9) dwar “L-involviment tal-imsieħba soċjali fil-governanza ekonomika Ewropea”, u intiża għas-Summit Soċjali Tripartitiku, tenfasizza r-rwol ewlieni tad-djalogu soċjali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew, barra mill-ambitu ta' konsultazzjoni wiesgħa li jista' jissaħħaħ (rapport annwali dwar it-tkabbir, programmi nazzjonali ta' riforma, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, proċedura fir-rigward ta' żbilanċi makroekonomiċi, indikaturi tas-suq tax-xogħol).

4.1.3

Tisħiħ tad-djalogu soċjali b'mod partikolari fid-dimensjoni kuntrattwali: f'perjodu diffiċli għandhom jintużaw l-istrumenti kollha (ftehimiet trasposti mid-direttivi jew li jidħlu fis-seħħ b'mod awtonomu, oqfsa ta' azzjoni, dikjarazzjonijiet konġunti, eċċ.) sabiex jitressqu soluzzjonijiet effikaċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-impjieg u l-kwalità tax-xogħol.

4.1.4

Konsolidazzjoni tar-riżultati tad-djalogu soċjali: evalwazzjonijiet differenti li saru kemm mill-imsieħba soċjali (ara r-rapporti finali konġunti dwar it-teleħidma f'Ġunju 2006 (10), dwar l-istress f'Ġunju 2008 (11), dwar il-fastidju u l-vjolenza fil-post tax-xogħol f'Ottubru 2011 (12) u dwar is-swieq tax-xogħol inklussivi f'Ġunju 2014) kif ukoll mill-Kummissjoni (ara rapport (13)) urew inkonsistenzi kbar fit-traspożizzjoni tal-ftehimiet awtonomi, li dgħajfu l-effikaċja u l-leġittimità fir-rigward tal-leġislazzjoni u jwassalu għal nuqqas ta' ugwaljanza fid-drittijiet bejn il-ħaddiema kollha Ewropej u bejn l-intrapriżi. Jidher evidenti li l-ftehimiet awtonomi għandhom iwasslu għal obbligu li ssir implimentazzjoni, irrispettivament jekk tkunx traspożizzjoni leġislattiva jew kuntrattwali. Huma l-imsieħba soċjali li jridu japprofondixxu l-arranġamenti attwali u jiddefinixxu regoli ġodda sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva, fil-limiti ta' żmien li huma jistabbilixxu, tal-ftehimit Ewropej tagħhom, billi jimpenjaw mhux biss lill-organizzazzjonijiet Ewropej firmatarji iżda wkoll lill-membri statutorji tagħhom fil-livell nazzjonali. Ovvjament, il-ġabra tal-ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 155 tat-TFUE jridu jagħmlu parti mill-acquis communautaire.

4.1.5

Tisħiħ tal-kapaċità ta' awtonomija u sinerġija mal-politiki tal-UE: l-awtonomija tal-imsieħba soċjali għandha tissaħħaħ u tiġi żviluppata (ara hawn taħt ir-referenza għad-dikjarazzjoni konġunta tal-imsieħba soċjali dwar il-governanza ta' Ottubru 2013), iżda dan ma jeżonerax lill-Kummissjoni Ewropea minn inizjattivi soċjali indispensabbli u urġenti bħal fl-oqsma tar-ristrutturazzjoni, is-saħħa u s-sigurtà, il-mobiitià u r-riformi strutturali, notevolment tas-suq tax-xogħol, sabiex jiġi favorit il-ħolqien tal-impjieg. It-tisħiħ tal-kapaċità ta' awtonomija tal-imsieħba soċjali ma jistax idgħajjef il-kapaċità tal-Kummissjoni ta' inizjattiva jew ta' stimolu: għall-kuntrarju għandhom ikunu f'sinerġija u komplementarità. L-imsieħba soċjali diġà għamlu progress fil-ġestjoni ta' kif jitwettaq id-djalogu soċjali kemm fil-livell interprofessjonali kif ukoll f'dak settorjali, notevolment permezz tan-negozjar ta' programmi biennali. Fid-dikjarazzjoni tagħhom ta' Ottubru 2013 dwar il-governanza (14), ħadu pass importanti 'l quddiem. Il-proċess biex tiżdied din l-awtonomija jista' jwassal biex, jekk iridu, l-imsieħba soċjali jippruvaw il-ħolqien ta' segretarjat permanenti għad-djalogu soċjali stabbilit b'mod bipartitiku. Fl-Opinjonijiet tiegħu tal-24 ta' Novembru 1994 u tad-29 ta' Jannar 1997 (15), il-KESE kien diġà semma din l-idea.

4.1.6

Twessigħ tal-konsultazzjoni: meta wieħed iqis kif jevolvu s-soċjetajiet tagħna dejjem aktar kumplessi, hemm bżonn li l-partijiet kollha interessati li jirrappreżentaw lit-trejdjunjins, lil min iħaddem, lill-volontarjat, lill-ekonomija soċjali u lill-interess pubbliku jiġu involuti fil-konsultazzjoni dwar il-politiki u l-proġetti Komunitarji fi ħdan l-oqsma ta' responsabbiltajiet u kompetenzi rispettivi tagħhom. L-imsieħba soċjali diġà jipparteċipaw ta' sikwit fil-konsultazzjonijiet pubbliċi Ewropej, li jikkontribwixxu għat-titjib tal-iskambji bejn atturi oħrajn tas-soċjetà ċivili. Dawn l-iskambji saru wkoll fi ħdan il-Forum kwadripartitiku dwar ir-responabbilità soċjali tal-intrapriżi. Fl-istess waqt, ikun tajjeb li l-modalitajiet prattiċi tal-konsultazzjonijiet jiġu ġestiti b'kawtela, b'mod partikolari jekk jintużaw konsultazzjonijiet elettroniċi, u li jitqiesu l-kompetenzi u r-rappreżentattività, tal-parteċipanti diversi, skont is-suġġett ikkonċernat: l-imsieħba soċjali, min-naħa tagħhom, diġà huma soġġetti għal studji ta' rappreżentattività b'mod regolari.

5.   Id-dimensjonijiet differenti tad-djalogu soċjali:

5.1

Interprofessjonali: il-programm ta' ħidma 2012-2014 ippermetta notevolment it-tfassil ta' qafas ta' azzjonijiet dwar l-impjieg taż-żgħażagħ. L-imsieħba soċjali bdew negozjati dwar programm ġdid ta' ħidma konġunta għall-2015-2017 li ser ikun importanti ħafna għat-tliet snin li ġejjin. Ser tkun ir-responsabbiltà tagħhom li jużaw l-istrumenti kollha disponibbli sabiex jistabbilixxu drittijiet u jniedu politiki konkreti li jindirizzaw l-isfidi tal-perjodu attwali.

5.2

Settorjali: permezz tal-Kumitati għad-Djalogu Soċjali Settorjali b'mod partikolari, hemm potenzjal konsiderevoli sabiex jiġu antiċipati u ġestiti aħjar il-bidliet fis-seħħ. Fil-kuntest tal-politika industrijali u settorjali b'mod partikolari, il-Kumitati tal-intrapriża Ewropej flimkien mal-federazzjonijiet professjonali tagħhom, jistgħu jagħtu huma wkoll kontribut prezzjuż billi jużaw l-għarfien u l-esperjenza tagħhom għall-iżvilupp ta' proposti u alternattivi fir-rigward tal-politika industrijali.

5.3

Kumitati tal-intrapriża Ewropej (KIE): f'kuntest ta' globalizzazzjoni u innovazzjoni teknoloġika permanenti, l-intrapriżi u l-ħaddiema tal-pajjiżi kollha Ewropej għandhom quddiemhom trasformazzjoni mgħaġġla u kontinwa tal-organizzazzjoni tax-xogħol u l-produzzjoni. Il-prattika turi li l-KIE jistgħu jgħinu lid-diretturi u l-ħaddiema jibnu kultura ta' intrapriża u jadattaw għat-tibdil fl-intrapriżi jew il-gruppi transnazzjonali li jinbidlu malajr, fejn it-tibdil jirrigwarda strateġija tal-grupp u jolqot diversi siti tal-grupp fil-pajjiżi differenti. Il-Kumitati tal-intrapriża Ewropej, fil-każ ta' intrapriżi li jilħqu statura dinjija, jaqdu bl-istess mod rwol essenzjali għall-iżvilupp ta' dimensjoni umana tal-globalizzazzjoni, l-ewwel nett skont il-valur demokratiċi u soċjali tal-Unjoni tagħna, u sabiex jiġu promossi n-normi tal-ILO. Jistgħu jiġu assoċjati mal-implimentazzjoni ta' ftehimiet qafas Ewropej jew internazzjonali, jew ukoll ma' ftehimiet dwar ir-responsabbilità soċjali tal-intrapriżi (16).

5.4

SMEs: in-niġsa industrijali jeħtieġ li terġa' tiġi kostitwita billi jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-SMEs u waqt li jiġu assigurati l-prosperità u l-istabbilità tagħhom. Għal dan il-għan, id-djalogu soċjali jrid jistrieħ fuq politika ta' kondiviżjoni ta' riżorsi, b'mod partikolari fil-qasam tat-taħriġ u tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol

5.5

Kooperattivi, intrapriżi mutwi u intrapriżi soċjali li joperaw fis-settur kummerċjali: il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom u l-iżvilupp tagħhom ibbażat fuq is-solidarjetà, il-kooperazzjoni u t-tqassim tar-rikkezzi ġġenerati mill-intrapriżi jagħmilhom partijiet interessati prinċipali għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjieg. Għaldaqstant, huwa loġiku li jitqiesu l-punti speċifiċi tagħhom fil-qasam tad-djalogu soċjali u li tingħata attenzjoni lil kull ma jista' jiffavorixxi l-iżvilupp tagħhom.

5.6

Transkonfinali: ir-reġjuni transkonfinali tagħna huma żoni ġodda ta' mobbiltà u żvilupp ekonomiku. Għal dawn ir-reġjuni transkonfinali ikun tajjeb li jiġu stabbiliti modalitajiet ta' djalogu soċjali adatti għas-sitwazzjoni reġjonali, billi jitħeġġu l-impjieg, it-trattament ugwali u s-salvagwardja tal-kundizzjonijiet tal-mobbiltà transkonfinali.

6.   Dwar it-tibdil fis-soċjetà, l-iżvilupp ta' sinerġiji u l-komplementarjetà bejn id-djalogu soċjali u d-djalogu ċivili  (17)

6.1

Is-soċjetà tagħna saret iktar kumplessa u l-problemi soċjali u ambjentali iktar marbutin flimkien. Għall-intrapriza, teżisti rabta bejn dak li huwa “intern” u dak li huwa “estern”: l-inklużjoni tad-dimensjoni territorjali fl-iżvilupp tagħha; tranżizzjoni lejn ekonomija b'użu baxx ta' karbonju; politika ta' żvilupp sostenibbli li tinvolvi lill-partijiet interessati pubbliċi u dawk tas-settur volontarju; l-inseriment tan-nies li ilhom bla xogħol b'mod partikolari l-ħolqien ta' skemi ta' mentoring li jorbtu lill-ħaddiema tal-intrapriżi mad-dinja tal-volontarjat li tiġġieled għall-inklużjoni ekonomika; ir-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi b'mod partikolari fir-rigward tal-intrapriżi li jesternalizzaw fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, eċċ.

6.2

Iż-żewġ djalogi, dak soċjali u dak ċivili, jeżistu flimkien. Ma jistgħux jingħaqdu iżda lanqas ma jistgħu jonqsu milli jinfluwenzaw lil xulxin. Id-djalogu soċjali bipartitiku jikkonċentra fuq is-salarji, l-impjieg, l-organizzazzjoni tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà, eċċ. permezz tan-negozjar kollettiv fil-livelli kollha. Id-djalogu ċivili jkopri firxa ta' temi marbuta mal-ambjent, il-konsum, il-politika tal-familja, id-diskriminazzjoni, il-ġlieda kontra l-faqar u d-drittijiet tal-bniedem u huwa parti minn proċess sabiex jiġu solvuti l-problemi tas-soċjetà. L-imsieħba soċjali diġà fetħu l-isferi tagħhom ta' attività bħala parti minn approċċ iżjed miftuħ u iktar qrib taċ-ċittadini, bħalma wera l-ftehim tagħhom dwar “Is-suq tax-xogħol inklużiv” ta' Marzu 2010 (18) u l-azzjonijiet li jieħdu b'mod speċifiku mal-assoċjazzjonijiet u l-NGOs Ewropej li jiddefendu l-ambjent, il-konsumaturi, il-persuni b'diżabilità, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-inklużjoni soċjali, eċċ.

Quddiem din il-kumplessità u d-diversità tal-partijiet interessati, ir-rabtiet bejn id-djalogu soċjali u d-djalogu ċivili jridu jissaħħu, sabiex jiġu żgurati s-sinerġiji u l-komplementarjetà tal-azzjonijiet, waqt li jiġu rispettati l-kompetenzi u r-responsabbiltajiet ta' kull parti.

Brussell, 10 ta' Settembru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  http://ec.europa.eu/europe2020/pdf/2014/socjointcontrib_ags2014.pdf

(2)  ĠU C 175 27.07.2007, p. 57.

(3)  http://europa.eu/legislation_summaries/human_rights/fundamental_rights_within_european_union/c10107_en.htm

(4)  ĠU C 191 29.07.1992, p. 90.

(5)  Xi kultant tissejjaħ sussidjarjetà “orizzontali”.

(6)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “L-impatt tal-investimenti soċjali fuq l-impjiegi u l-fondi pubbliċi”, ĠU C 226, 16.07.2014, p. 21.

(7)  http://www.etuc.org/sites/www.etuc.org/files/other/files/layout_declaration_governance_21_10_13_clean_3.pdf

(8)  Contribution commune des partenaires sociaux au Conseil européen de Laeken. Minn dak iż-żmien, l-UNICE saret BUSINESSEUROPE u l-Artikoli 137 u 138 tat-TKE ġew sostitwiti mill-Artikoli 153 u 154 tat-TFUE.

(9)  Ara nota f'qiegħ il-paġna 7.

(10)  http://www.ueapme.com/docs/joint_position/061010_telework_implementation_report_final.pdf

(11)  http://www.ueapme.com/IMG/pdf/Stress_Final_Implementation_report_231108.pdf

(12)  http://www.etuc.org/sites/www.etuc.org/files/BROCHURE_harassment7_2_.pdf

(13)  Framework Agreement on Telework (SEC(2008) 2178; Framework Agreement on Work-related Stress (SEC2011) 0241

(14)  Ara nota f'qiegħ il-paġna 7.

(15)  ĠU C 89, 19.03.1997, p. 27; ĠU C 397, 31.12.1994, p. 40 (mhumiex disponibbli bil-Malti).

(16)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva” COM(2011) 681 final, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 77.

(17)  Seminar importanti organizzat mill-KESE f'Ġunju 2013 flimkien mal-assoċjazzjoni Notre Europe, u li għalih attenda s-Sur Jacques Delors, iffoka fuq “Id-djalogu soċjali Ewropew u d-djalogu ċivili: id-differenza u l-komplementarjetà” (http://www.notre-europe.eu/media/semi19-fr.pdf)

(18)  Dan il-ftehim jirrikonoxxi l-bżonn li l-imsieħba soċjali jikkollaboraw mat-“tielet settur” sabiex jiġu appoġġjati dawk li jiffaċċjaw diffikultajiet partikolari fir-rigward tas-suq tax-xogħol http://www.etuc.org/framework-agreement-inclusive-labour-markets


19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 458/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politiki Ewropej tal-immigrazzjoni”

(Opinjoni esploratorja)

(2014/C 458/02)

Relatur ġenerali:

is-Sur Iuliano

Nhar it-3 ta' Ġunju 2014, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Presidenza Taljana tal-Unjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji Opinjoni esploratorja dwar

Il-politiki Ewropej tal-immigrazzjoni

(Opinjoni esploratorja).

Nhar it-8 ta’ Lulju 2014, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta struzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma (Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul il-501 sessjoni plenarja tiegħu tal-10 u l-11 ta’ Settembru 2014 (seduta tal-11 ta' Settembru), li jaħtar lis-Sur Iuliano bħala relatur ġenerali u adotta din l-Opinjoni b’161 vot favur, 6 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-fażi l-ġdida tal-politika Ewropea tal-immigrazzjonigħandha tkun strateġika, b'viżjoni fuq perjodu medju u twil, u għandha tiffoka fuq is-sejbien ta' mod olistiku u komprensiv ta' kif jiġu pprovduti mezzi legali miftuħin u flessibbli għall-ammissjoni fl-UE. Abbażi tal-ħidma żviluppata mill-KESE u mill-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, din l-Opinjoni titlob lir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet Ewropej u lill-gvernijiet nazzjonali biex iqisu r-rwol ċentrali tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata biex tingħata perspettiva soċjali u valur miżjud lill-politiki Ewropej tal-immigrazzjoni. Huma għandhom iqisu wkoll l-impatt tagħhom fuq is-suq tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tal-impjieg, u d-drittijiet fundamentali.

1.2

Il-KESE jemmen li ħmistax-il sena wara li bdiet tinbena politika Ewropea tal-immigrazzjoni, wasal il-waqt li l-valuri u l-prinċipji politiċi stabbiliti fit-Trattat ta' Lisbona jitpoġġew fil-prattika b'miżuri ta' politika konkreti u speċifiċi, li jmorru lil hinn minn dibattiti dwar is-setgħat li jsiru bejn l-UE u l-gvernijiet nazzjonali. Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jinkisbu riżultati konkreti biex tiġi żviluppata politika verament komuni u konġunta tal-immigrazzjoni, l-asil u l-fruntieri esterni.

1.3

Permezz ta’ politika komuni tal-immigrazzjoni, l-UE tista’ tipprovdi valur miżjud kbir. Il-KESE jixtieq li tingħata prijorità lill-indirizzar tal-ostakli u n-nondiskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol. L-UE għandha tadotta Kodiċi Komuni Ewropew għall-Immigrazzjoni, kif ukoll Manwal ta' Linji Gwida Komuni Ewropej biex jiżguraw l-implimentazzjoni u l-aċċessibbiltà ta' dan il-Kodiċi. Dan għandu jimxi id f'id mal-istrateġija Ewropea biex l-UE tattira aktar talent u biex jingħelbu l-ostakli rigward il-kwalifiki. L-UE għandha tistabbilixxi pjattaforma Ewropea permanenti għall-migrazzjoni marbuta max-xogħol. Il-KESE joffri li jwettaq din il-ħidma, biex ikun il-post fejn l-imsieħba soċjali jiddiskutu u janalizzaw il-politiki nazzjonali tal-immigrazzjoni marbuta max-xogħol u fejn isir skambju tal-aħjar prattiki.

1.4

L-UE qed tkompli bit-tieni fażi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA). Madanakollu, l-Istati Membri għad għandhom prattiki differenti u livelli ta' protezzjoni differenti. Hemm bżonn tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà u r-responsabbiltà konġunta biex ikun hemm distribuzzjoni aktar bilanċjata tal-applikazzjonijiet għall-asil bejn l-Istati Membri. Il-Konvenzjoni ta' Dublin għandha tinbidel b'sistema li tkun aktar solidali u li tqis ir-rieda tal-applikanti għall-asil u li tiggarantixxi tqassim tar-responsabbiltajiet aktar proporzjonat. Għandhom jiżdiedu wkoll il-kompetenzi tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, speċjalment għall-attivitajiet operattivi ta' appoġġ tiegħu u għat-timijiet ta' appoġġ konġunt fil-qasam tal-asil fl-Istati Membri li jeħtieġu għajnuna speċjali jew ta' emerġenza. Huwa fundamentali li l-Unjoni tiżgura li l-Istati Membri jagħmlu użu aktar armonizzat, koerenti, indipendenti u flessibbli tal-viżi umanitarji, kif hemm previst fil-Kodiċi Komuni dwar il-Viżi.

1.5

Il-politika Ewropea tal-fruntieri għandha tkun imsejsa fuq responsabbiltà konġunta akbar rigward is-sorveljanza u l-għassa tagħhom, u fuq il-ħarsien tal-prinċipji u d-drittijiet meta tkun qed tiġi applikata. Dawk l-Istati Membri li jiffurmaw il-fruntiera territorjali esterna komuni jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli ta' flussi migratorji u ta' persuni li jkunu qed ifittxu l-asil. L-UE għandha tniedi proċeduri ta' solidarjetà finanzjarja, operattiva u ta' akkoljenza. Ir-rwol tal-Frontex għandu jissaħħaħ u għandu jsir servizz komuni Ewropew ta' gwardja tal-fruntieri magħmul minn kontinġent Ewropew ta' gwardji tal-fruntieri sabiex jiġu appoġġati l-Istati Membri. Dan għandu jimxi id f'id mal-iżvilupp ta' sistema aktar effettiva u sistematika ta' responsabbiltajiet (accountability) dwar l-attivitajiet tagħha, u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 656/2014 li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu applikati kif suppost. .

1.6

L-UE għandha tippromovi qafas regolatorju internazzjonali għall-migrazzjoni u tieħu sehem fil-promozzjoni tar-ratifika u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta' standards u strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem b'risq l-immigranti. L-UE għandha tfittex alleanza strateġika ma' atturi internazzjonali oħra involuti fi kwistjonijiet marbutin mal-mobbiltà umana u d-drittijiet tal-bniedem bħan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kunsill tal-Ewropa.

1.7

L-isfidi marbutin mal-mobbiltà transkonfinali tal-persuni ma jistgħux jiġu indirizzati biss minn perspettiva ta' esternalizzazzjoni tal-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri. L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità għandu jkompli jiżviluppa f'dan ir-rigward. L-UE għandha tipprovdi lil dawn il-pajjiżi u liċ-ċittadini tagħhom b'opportunitajiet għall-immigrazzjoni għal raġunijiet ta' impjieg u edukazzjoni permezz ta' proċeduri legali, flessibbli u trasparenti. Is-sħubijiet dwar il-mobbiltà għandhom ikunu aktar bilanċjati u legalment vinkolanti għall-partijiet interessati. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jiżgura koordinazzjoni aħjar bejn il-prijoritajiet tal-politika esterna u l-politika tal-immigrazzjoni, billi jadotta approċċ fejn id-drittijiet tal-bniedem ikunu l-parti ċentrali.

2.   Introduzzjoni: Lejn politika ġdida tal-immigrazzjoni, l-asil u l-fruntieri sal-2020

2.1

Il-Presidenza Taljana talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ifassal opinjoni esploratorja dwar il-politika Ewropea futura tal-immigrazzjoni, il-fruntieri u l-asil. Il-KESE jixtieq jagħti l-kontribut tiegħu permezz ta' proposti strateġiċi abbażi tal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni (1). Ir-rwol tal-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata u d-djalogu soċjali għandhom ikunu preżenti fil-proċess kollu tad-dibattitu li jwassal għall-fażi ta' wara tal-politika Ewropea tal-immigrazzjoni sal-2020. Il-“perspettiva soċjali” hija l-qofol biex jiġu żgurati l-valur miżjud, il-proporzjonalità u l-impatt ta' dawn il-politiki.

2.2

Il-KESE tenna f'diversi okkażjonijiet li l-politika Ewropea tal-immigrazzjoni għandha tkun strateġika b'viżjoni fuq perjodu medju u twil, u għandha tiffoka fuq is-sejbien ta' mod olistiku u komprensiv ta' kif jiġu pprovduti mezzi legali miftuħin u flessibbli għall-ammissjoni fl-UE. Hija għandha tiżgura li d-drittijiet fundamentali jiġu mħarsa, toffri soluzzjonijiet sostenibbli u solidali għall-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, tqis is-sitwazzjoni fis-swieq tax-xogħol u tindirizza l-isfidi inerenti għall-politiki ta' integrazzjoni u l-effetti tagħhom fuq il-gruppi vulnerabbli, ir-razziżmu u l-ksenofobija.

2.3

Il-Kumitat impenja ruħu bil-qawwa biex jiżgura li l-politiki tal-immigrazzjoni jitwettqu bis-sehem tal-immigranti, b'mod partikolari fil-qafas tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni  (2) li fl-2009 il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi, bis-sede tiegħu fil-KESE. Il-Forum sar il-pjattaforma Ewropea li tiffaċilita d-djalogu bejn diversi partijiet u s-sehem attiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata u tal-immigranti f'dibattiti importanti marbutin mal-politiki Ewropej dwar l-integrazzjoni. Il-Forum bħalissa għaddej minn proċess ta' tibdil bil-għan li jindirizza l-politiki tal-immigrazzjoni kollha. Abbażi ta' studju ta' valutazzjoni dwar il-ħidma u r-riżultati tiegħu, il-KESE jixtieq iżid l-impenn tiegħu fil-Forum, b'mod partikolari billi jsaħħaħ ir-rabtiet tiegħu mal-organizzazzjonijiet tal-immigranti, jara li jagħmel il-kontribut tiegħu billi jagħti segwitu lill-politiki tiegħu, u jtejjeb il-kollaborazzjoni tiegħu mal-Parlament u l-Kumitat tar-Reġjuni.

3.   Politika Komuni tal-Immigrazzjoni

3.1

Għaddew 15-il sena minn mindu saru l-ewwel passi lejn l-iżvilupp ta' politika komuni tal-immigrazzjoni, l-asil u l-fruntieri permezz tat-Trattat ta' Amsterdam tal-1999. Il-KESE jqis li meta tkun qed titfassal l-aġenda Ewropea futura dwar l-immigrazzjoni, hemm bżonn li mmorru lura għall-prinċipji fundaturi li ġew stabbiliti fil-Programm ta' Tampere fl-1999  (3), b'mod partikolari l-prinċipji tat-trattament ġust u ugwali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, il-prinċipju tas-solidarjetà u r-responsabbiltà konġunta, id-drittijiet fundamentali previsti fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt. It-Trattat ta' Lisbona jservi ta' gwida komuni għall-ħidma. Hemm bżonn li dawn il-prinċipji ġenerali li jinsabu fit-Trattati jiġu mwettqa fil-prattika b'mod sħiħ.

3.2

Il-KESE jemmen li bosta drabi l-ambizzjonijiet u l-valuri Ewropej jieqfu fil-paroli biss, u li l-prattika u l-liġijiet imorru kontra dawn il-valuri (4). Il-KESE jappella lill-Kunsill u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri biex jieħdu pass deċiżiv li jmur lil hinn mill-paroli u mid-dikjarazzjonijiet tal-prinċipji u li jiġu adottati inizjattivi konkreti li ladarba jitwettqu, iwasslu għal riżultati effettivi. Dan għandu jsir mhux biss f'kollaborazzjoni interistituzzjonali mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew; l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata huma alleati ewlenin f'dan il-proċess.

3.3

L-isfidi tal-migrazzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-Mediterran u l-fruntieri esterni komuni kollha tal-UE huma dokumentati tajjeb u d-dibattiti politiċi u fil-mezzi tax-xandir dwarhom ħafna drabi jxaqilbu lejn l-irrazzjonali u l-populiżmu nazzjonalist. Il-KESE jappella għal dibattitu razzjonali, ibbażat fuq dejta u studji oġġettivi u indipendenti. Għandha tingħata prijorità ċara lil dak li hu verament meħtieġ sabiex tiġi kkonsolidata u żviluppata politika verament komuni u konġunta tal-immigrazzjoni, l-asil u l-fruntieri esterni. Il-KESE jemmen li wasal il-waqt li titfassal strateġija Ewropea ġdida dwar il-politika Ewropea komuni tal-immigrazzjoni, li tkun marbuta mal-Istrateġija Ewropa 2020 u li tkun iffukata fuq it-twettiq tal-prinċipji fil-prattika.

3.4

F'oqsma fejn l-interessi politiċi tar-rappreżentanti tal-Istati Membri huma daqstant kbar, huwa essenzjali li d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi terzi li huma soġġetti għal dawn il-politiki (inklużi l-immigranti mingħajr dokumenti) ikunu l-qofol ta' kull politika futura (5). Għandha tingħata prijorità lill-isfidi marbutin mat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol ta' miljuni ta' persuni immigranti li jaħdmu fl-UE (6). Il-KESE jagħti importanza speċjali lill-kwistjonijiet marbutin mal-impatt tal-politiki tal-immigrazzjoni fuq il-politiki soċjali u tal-impjieg, u ħeġġeġ approċċ li janalizza l-impjieg u l-implikazzjonijiet tal-politiki tal-migrazzjoni fuq l-esklużjoni jew l-integrazzjoni soċjoekonomika tal-ħaddiema u l-familji tagħhom (7).

3.5

Il-politiki marbutin mal-kundizzjonijiet tad-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi huma fil-kompetenza konġunta tal-Istati Membri u l-UE. It-Trattat ta' Lisbona jipprevedi li l-UE tiżviluppa politika komuni tal-immigrazzjoni fil-fażijiet kollha tagħha. Il-KESE jemmen li l-UE tista' tipprovdi valur miżjud kbir permezz ta' politika komuni u ta' leġislazzjoni konġunta fi kwistjonijiet marbutin mal-impjieg u l-edukazzjoni mogħnija b'livell għoli ta' armonizzazzjoni, b'approċċ orizzontali minflok regoli speċifiċi għas-setturi (8). Il-qafas leġislattiv attwali huwa frammentat, imċajpar u mxerred. Din is-sitwazzjoni toħloq inċertezza legali u nuqqas ta' koerenza politika, li jeħtieġ li tinstab soluzzjoni għalihom illum qabel għada.

3.6

Il-KESE jemmen li hemm bżonn li tiġi kkonsolidata l-leġislazzjoni eżistenti permezz ta' kodiċi dwar l-immigrazzjoni. Il-kodiċi għandu jwassal għal trasparenza akbar u ċarezza legali dwar id-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu fl-UE, u jikkonsolida l-leġislazzjoni permezz ta' qafas uniformi u trasparenti ta' drittijiet u standards komuni, inklużi dawk applikabbli għall-immigranti bla dokumenti (9). Il-kodiċi għandu wkoll jindirizza s-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jgħixu fl-UE (10). Prijorità oħra għandha tkun it-titjib tal-aċċessibbiltà għad-drittijiet u l-istandards Ewropej, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u r-razziżmu fis-suq tax-xogħol abbażi ta' Manwal ta' Linji Gwida Komuni Ewropej.

3.7

Jeħtieġ ukoll li tiġi solvuta waħda mill-ikbar problemi ta’ ħafna immigranti u intrapriżi Ewropej: ir-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u professjonali  (11). Il-KESE jappella għall-iżvilupp ta' strateġija Ewropea biex l-UE tattira aktar talent fil-livell internazzjonali u jitlob li ssir enfasi fuq it-tneħħija tal-ostakli mhux ġustifikati f'dak li jirrigwarda l-kwalifiki professjonali u akkademiċi. Dan għandu jimxi id f'id mal-adozzjoni ta' leġislazzjoni orizzontali (12).

3.8

Is-sitwazzjoni demografika u t-tixjiħ tal-popolazzjoni u tas-swieq tax-xogħol fl-Istati Membri għandhom jitwieżnu sew f'dan ir-rigward. Fl-Opinjoni esploratorja tiegħu tal-2011 (13) dwar ir-rwol tal-immigrazzjoni legali fil-kuntest tal-isfida demografika tal-Ewropa, il-KESE nnota li fis-snin li ġejjin għandha tiżdied l-immigrazzjoni ta' ħaddiema u familji li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi. L-UE teħtieġ leġislazzjoni miftuħa u flessibbli li tagħmel possibbli l-immigrazzjoni marbuta max-xogħol permezz ta' mezzi legali u trasparenti, kemm għall-ħaddiema bi kwalifiki għoljin u medji kif ukoll għal dawk inqas ikkwalifikati sakemm l-Istati Membri jitħallew jiddeterminaw il-volumi proprji għall-ammissjoni. Il-KESE jixtieq li tingħata prijorità biex jiġu indirizzati l-ostakli u n-nondiskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol għal gruppi ta' ħaddiema migranti vulnerabbli, bħan-nisa pereżempju. Madankollu, fl-istess ħin għandu jiġi rikonoxxut li l-immigrazzjoni mhijiex l-uniku rispons għan-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol u l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw soluzzjonijiet komplementarji li jistgħu jkunu iktar adatti.

3.9

L-UE għandha tistabbilixxi pjattaforma Ewropea permanenti għall-migrazzjoni marbuta max-xogħol fi ħdan il-KESE fejn l-imsieħba soċjali, is-servizzi pubbliċi tal-impjieg tal-Istati Membri, l-aġenziji tal-kuntratti tal-akkwist pubbliku u partijiet involuti oħrajn jiddiskutu u janalizzaw il-politiki nazzjonali tal-immigrazzjoni marbuta max-xogħol, u fejn isir skambju ta' prattiki biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-ostakli eżistenti għal inklużjoni soċjoekonomika ugwali. Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-Kummissjoni (14) u jipproponi lill-Kunsill biex jitlob it-tfassil ta' Opinjoni esploratorja għall-ħolqien ta' din il-pjattaforma.

4.   Politika Komuni tal-Asil: is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA)

4.1

Il-KESE jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tat-tieni fażi tas-SEKA. Madanakollu, minkejja l-livell għoli ta' armonizzazzjoni leġislattiva, xorta waħda għad hemm ammonti eċċessivi ta' diskrezzjoni rigward il-leġislazzjoni nazzjonali, u dan iwassal biex l-Istati Membri jkollhom politiki u filosofiji differenti ħafna (15). Għad hemm tradizzjonijiet nazzjonali differenti, u l-livelli ta' protezzjoni għadhom ivarjaw bejn Stat Membru u ieħor (16). L-UE għandha tagħti prijorità lill-kisba ta' livell għoli ta' protezzjoni, li jnaqqas l-ammont ta' diskrezzjoni li jeżisti bħalissa, u jkun hemm aċċess għal ħarsien legali effettiv għall-applikanti għall-asil, b'mod li d-drittijiet u l-prinċipji jkunu aċċessibbli fil-prattika.

4.2

Il-Konvenzjoni ta' Dublin tiddetermina l-Istat Membru li jkun responsabbli biex jeżamina kull applikazzjoni għall-asil, iżda l-KESE huwa tal-fehma li f'din is-sistema ma hemmx solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE. Is-sistema nħolqot fuq il-premessa li s-sistemi tal-asil tal-Istati Membri huma simili, iżda din il-ħaġa għadha mhijiex ir-realtà. Il-Konvenzjoni ta' Dublin għandha tinbidel b'sistema li tkun aktar solidali fl-UE u li tqis ir-rieda tal-applikanti għall-asil u tiggarantixxi tqassim tar-responsabbiltajiet aktar proporzjonat bejn l-Istati Membri (17).

4.3

L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) f'Malta jrid ikun f’pożizzjoni aħjar li jidentifika u jevalwa b’mod ċar is-sitwazzjoni tal-asil fl-UE (18) u d-differenzi fil-prattiki tal-asil bejn l-Istati Membri, kif ukoll id-differenzi fil-leġislazzjoni tagħhom, u jipproponi l-bidliet speċifiċi meħtieġa fis-SEKA. L-EASO għandu jiżviluppa aktar bħala ċentru għall-monitoraġġ u l-analiżi tar-riżultati tat-tieni fażi tas-SEKA, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA). Il-KESE jirrakkomanda li jiżdiedu l-kompetenzi tal-EASO li jipprovdi appoġġ tekniku u operattiv permanenti lill-awtoritajiet ta' dawk l-Istati Membri li jkunu jeħtieġu appoġġ speċjali jew ta' emerġenza fis-sistemi ta' asil u ta' akkoljenza tagħhom fil-forma ta' timijiet ta' appoġġ konġunt għall-asil (asylum support teams).

4.4

Il-Kumitat ippropona f'diversi okkażjonijiet ix-xewqa tiegħu li l-Unjoni Ewropea tniedi programmi reġjonali ta' protezzjoni u akkoljenza f'kollaborazzjoni mal-istati ġirien, finanzjati mill-UE, skont il-linji gwida tal-UNHCR (19), u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata (20). Barra minn hekk, qabel ma jitkompla jingħata appoġġ għal din il-politika, għandha ssir valutazzjoni indipendenti ta' dawn il-programmi kollha u tal-finanzjament li ġie previst għall-implimentazzjoni tagħhom, qabel ma jiġu estiżi u mibdulin f'mekkaniżmu ġdid li jorbot lill-UE. Il-programmi eżistenti jidhru li qed jagħtu prijorità akbar lill-prevenzjoni ta' dawk li jkunu qed ifittxu asil milli jkollhom aċċess għat-territorju tal-Unjoni u għall-protezzjoni internazzjonali milli li jiżguraw titjib ġenwin fil-protezzjoni tar-refuġjati (21).

4.5

Dawn il-programmi reġjonali jistgħu jissaħħu permezz ta' programmi ta' rilokazzjoni, li jistabbilixxu sistema għall-akkoljenza tal-persuni li jkunu ġew rikonoxxuti bħala refuġjati minn pajjiżi terzi biex ikunu jistgħu jgħixu b'mod permanenti f'xi wieħed mill-Istati Membri tal-UE. Hawnhekk ukoll, l-esperjenzi tas-soċjetà ċivili organizzata u l-korpi internazzjonali għandhom ikunu involuti qabel ma jiġu żviluppati dawn il-programmi. l-KESE jipproponi li tittejjeb is-solidarjetà u r-responsabbiltà fl-UE billi l-obbligi u t-twettiq tal-programmi ta' rilokazzjoni jiġu mqassmin b'mod adegwat. Dan għandu jmur id f'id ma' analiżi tal-proposta għall-istabbiliment ta' sistema konġunta għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għall-asil fl-UE u l-possibbiltà li jiġi stabbilit il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għall-applikazzjonijiet għall-asil approvati u l-moviment ħieles ta' min jibbenefika mill-protezzjoni.

4.6

Il-KESE jqis li hemm bżonn ukoll li d-dħul fl-UE tal-persuni li jeħtieġu l-protezzjoni jiġi ssemplifikat, u jirrakkomanda użu aktar armonizzat, koerenti, indipendenti u flessibbli tal-viżi umanitarji mill-Istati Membri, kif stabbilit fil-Kodiċi Komuni dwar il-Viżi, u t-twaqqif ta' mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu fil-prattika, l-aċċess għal dawk li jkunu qed jagħmlu t-talba għal rimedju legali effettiv u d-dritt għal appell f'każ li t-talba tiġi rifjutata (22). Il-KESE jappoġġja l-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi (23) u jixtieq li n-negozjati jiżguraw l-użu tal-viżi umanitarji.

5.   Politika Komuni tal-Fruntieri

5.1

Il-ħolqien taż-żona Schengen huwa wieħed mill-aktar avvanzi importanti tal-proġett tal-integrazzjoni Ewropea. Il-fruntieri esterni tal-UE huma fruntieri komuni għall-Istati kollha li jipparteċipaw fix-Schengen, u r-responsabbiltà konġunta għall-kontroll u s-sorveljanza tagħhom, u għall-ħarsien tal-prinċipji u d-drittijiet meta tkun qed tiġi applikata għandha tkun komuni wkoll. Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, l-Istati Membri li jiffurmaw il-fruntiera territorjali esterna komuni jkollhom jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli ta' flussi migratorji u ta' persuni li jkunu qed ifittxu l-asil. Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tal-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim tar-responsabbiltajiet b'mod ġust li huwa previst fl-Artikolu 80 tat-TFUE. L-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi proċeduri ta' solidarjetà finanzjarja, operattiva u ta' akkoljenza, billi titqies is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-Istati Membri individwali, u għandha tgħin lill-Istati Membri li jiffaċċjaw l-akbar pressjonijiet fuq is-sistemi tal-asil tagħhom.

5.2

Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jirregola n-netwerk tal-fruntieri u l-kontrolli, filwaqt li jqis ir-rekwiżiti li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom jirrispettaw biex jidħlu u jibqgħu. L-UE tħejji lista ta' pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom bżonn ta' viża u għandha politika komuni tal-viżi ta' tul ta' żmien qasir stabbilita fil-Kodiċi dwar il-Viżi. Il-KESE jirrakkomanda li tingħata prijorità lill-applikazzjoni konsistenti, flessibbli u effettiva taż-żewġ kodiċijiet, u li d-drittijiet u l-garanziji previsti għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jkunu aċċessibbli.

5.3

L-UE għandha terfa' aktar responsabbiltà fil-kontroll tal-fruntieri esterni. Ir-rwol tal-Frontex (l-Aġenzija għall-Fruntieri Esterni) għandu jissaħħaħ, mhux biss mil-lat finanzjarju, iżda anke mil-lat tas-setgħat u l-kapaċitajiet operattivi tagħha. Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-Frontex (24) għandu jsir servizz komuni Ewropew ta' gwardja tal-fruntieri  (25) magħmul minn kontinġent Ewropew ta' gwardji tal-fruntieri sabiex jiġu appoġġati l-Istati Membri (26). Dan għandu jimxi id f'id mal-iżvilupp ta' sistema aktar effettiva u sistematika ta' responsabbiltajiet (accountability) rigward l-attivitajiet tal-Frontex, l-operazzjonijiet konġunti tagħha u ta' skambju ta' informazzjoni, inkluż fil-qafas tal-Eurosur (sistema ta' sorveljanza tal-fruntieri esterni). Għandu jiġi previst rwol akbar għall-Forum Konsultattiv dwar id-Drittijiet Fundamentali (27), u jiġi żviluppat mekkaniżmu ta' lmenti (28).

5.4

Il-KESE wera l-appoġġ tiegħu għat-twaqqif ta' fruntieri aktar intelliġenti, b'mod partikolari għas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) u l-Programm ta' Vjaġġaturi Rreġistrati (PRV) (29). Qabel ma jiġu żviluppati sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) fuq skala kbira oħrajn, hemm bżonn li titwettaq valutazzjoni indipendenti tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża u tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) II (30). Ir-rabtiet bejn dawn is-sistemi u l-pakkett dwar il-fruntieri intelliġenti mhumiex ċari u huwa importanti ħafna li ma jiġux żviluppati aktar sistemi li ma jagħtux prova li huma neċessarji, proporzjonali u kompatibbli mad-drittijiet fundamentali (31).

5.5

Ir-regoli applikabbli għal sitwazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ li jistgħu jfeġġu matul operazzjoni ta' sorveljanza tal-fruntieri bil-baħar huma sfida komuni fundamentali. Taħt il-liġi internazzjonali, l-Istati Membri huma marbutin b'obbligi li jitolbu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-applikanti għall-asil u tal-immigranti bla dokumenti. Il-KESE jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar ir-regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Frontex (32). Il-KESE jemmen li għandha tingħata prijorità lill-applikazzjoni effettiva fil-prattika ta' dawn ir-regoli ta' tiftix u salvataġġ.

5.6

Il-ġlieda kontra t-traffikar u l-kuntrabandu illegali tal-persuni għandha dejjem tiżgura li l-vittmi jkunu protetti mil-leġislazzjoni umanitarja internazzjonali u l-ftehimiet Ewropej dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-Kumitat jemmen li persuna mingħajr dokumenti mhijiex persuna mingħajr drittijiet jew kriminal. L-UE u l-Istati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali ta' dawn in-nies. M'għandux jintuża t-terminu “immigrazzjoni illegali” meta ssir referenza għall-persuni li jemigraw u jsibu ruħhom f'sitwazzjoni amministrattiva irregolari. Ir-rabta bejn l-immigrazzjoni irregolari u d-delinkwenza tqanqal attitudnijiet ta' biża' u ksenofobija fil-pajjiżi ta' akkoljenza.

6.   Id-dimensjonijiet esterni tal-politiki tal-immigrazzjoni

6.1

Il-KESE ppropona (33) l-UE tippromovi qafas legali internazzjonali għall-migrazzjoni, fuq il-bażi tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali. Dan il-qafas legali internazzjonali għandu jinkludi l-ftehimiet prinċipali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u l-Membri tal-Familja tagħhom, li għadha ma ġietx ratifikata mill-Istati Membri tal-UE (34).

6.2

Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jistabbilixxu alleanza strateġika ma' atturi internazzjonali oħra involuti fi kwistjonijiet marbutin mal-mobbiltà tal-persuni u d-drittijiet tal-bniedem bħan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kunsill tal-Ewropa. L-UE għandha taqdi rwol fil-promozzjoni ta' standards internazzjonali komuni adottati minn dawn l-organizzazzjonijiet internazzjonali u li jkunu jkopru d-drittijiet u l-libertajiet tal-immigranti, tal-applikanti għall-asil u tar-refuġjati fil-qafas ta' organizzazzjonijiet bħan-NU, il-Kunsill tal-Ewropa u l-ILO.

6.3

Il-KESE appoġġja f'diversi okkażjonijiet l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM)  (35) u l-iffirmar ta' diversi sħubijiet għall-mobilità. L-isfidi li toħloq il-mobilità transkonfinali tal-persuni ma jistgħux jiġu indirizzati biss minn perspettiva ta' kontroll tal-fruntieri jew ta' “esternalizzazzjoni” ta' dawn il-kontrolli f'pajjiżi terzi. Il-KESE appoġġja f'diversi okkażjonijiet lill-GAMM bħala l-aktar qafas adegwat. Il-politika komuni tal-immigrazzjoni għandha tadotta “approċċ komprensiv” li jmur lil hinn minn approċċ determinat minn kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà jew dawk marbutin mal-pulizija u li jħares lejn il-mobilità tal-persuni bħala kriminalità u jorbotha b'mod artifiċjali ma' theddid ieħor li qed tiffaċċja l-UE.

6.4

Is-sħubijiet għall-mobilità għandhom jinkludu b'mod iżjed sħiħ u bilanċjat l-aspetti marbutin mal-mobilità u l-migrazzjoni legali, bħala prijoritajiet prinċipali. Il-KESE jappoġġja s-sħubijiet għall-mobilità li saru ma' xi wħud mill-pajjiżi ta' oriġini (36), iżda jipproponi li dawn il-ftehimiet ikunu bilanċjati u legalment vinkolanti għall-partijiet interessati kollha. S'issa, il-prijoritajiet kienu s-sigurtà, ir-ritorn, ir-riammissjoni tal-immigranti f'sitwazzjoni irregolari u s-sorveljanza tal-fruntieri. L-UE għandha tipprovdi anke lil dawn il-pajjiżi u liċ-ċittadini tagħhom b'opportunitajiet għall-immigrazzjoni għal raġunijiet ta' impjieg u edukazzjoni permezz ta' proċeduri legali, flessibbli u trasparenti.

6.5

B'mod partikolari l-KESE jipproponi li l-UE toffri lill-pajjiżi msieħba l-ftuħ ta' mezzi biex tiġi megħjuna l-mobilità tal-persuni, il-ksib tal-viżi u l-ammissjoni ta' immigranti ġodda. Il-Kumitat jappoġġja l-fatt li jiġu inklużi kwistjonijiet oħra fis-sħubijiet dwar l-immigrazzjoni l-ġodda, bħal:

aċċess aħjar għal informazzjoni dwar postijiet vakanti ta’ impjiegi fl-UE;

it-titjib fil-kapaċità biex il-provvista tax-xogħol u d-domanda għax-xogħol jiġu bilanċjati;

ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-ħiliet professjonali u akkademiċi;

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ oqfsa legali għat-trasferiment aħjar tad-drittijiet tal-pensjoni;

miżuri biex tittejjeb il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-ħiliet u biex ikun hemm iktar bilanċ bejn il-provvista tax-xogħol u d-domanda għax-xogħol;

iżjed flessibbiltà tal-leġislazzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni u tal-istatus ta' residenza fit-tul biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn volontarju mingħajr ma l-immigranti jitilfu d-dritt ta' residenza.

6.6

Il-politika tal-immigrazzjoni u l-asil għandha tiżgura koordinazzjoni aħjar bejn il-prijoritajiet tal-politika esterna u l-politika tal-immigrazzjoni tal-UE. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu jeżerċita r-rwol tiegħu kif għandu jkun u jkopri l-politiki marbutin mal-immigrazzjoni, l-asil u l-kontroll tal-fruntieri, bil-għan li dawn isiru aktar konsistenti u jmorru lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet tal-ministeri tal-intern tal-Istati Membri. Għandu jiżdied ukoll ir-rwol tal-Parlament Ewropew f'dawn l-oqsma sabiex ikun hemm skrutinju demokratiku akbar (37).

Brussell, 11 ta' Settembru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  KESE, Immigration: Integration and Fundamental Rights, 2012 http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/qe-30-12-822-en-c.pdf

(2)  http://ec.europa.eu/ewsi/en/policy/legal.cfm

(3)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Programm ta' Tampere, 15-16 ta' Ottubru 1999 SN 200/99 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  CESE 343/2009 – SOC/320 (ĠU C 218, 11.9.2009, p. 78).

(5)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29

(6)  Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions, Pjan ta' Azzjoni dwar il-Migrazzjoni, adottat mill-Kumitat Eżekuttiv tal-KETU fil-5-6 ta' Marzu 2013, http://www.etuc.org/documents/action-plan-migration#.U_MOE-JU3To

(7)  Opinjoni tal-KESE tas-17.3.2010, CESE 450/2010 (ĠU C 354, 28.12.2010, p. 16).

(8)  ĠU C 286, 17.11.2005, p. 20

(9)  Opinjoni tal-KESE tal-15.9.2010, SOC/373 (ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6). Il-KESE saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu armonizzati d-drittijiet tal-immigranti bla dokumenti fl-UE. Ara l-punt 11.2 tal-Opinjoni.

(10)  Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions, Pjan ta' Azzjoni dwar il-Migrazzjoni, adottat mill-Kumitat Eżekuttiv tal-KETU fil-5-6 ta' Marzu 2013, http://www.etuc.org/documents/action-plan-migration#.U_MOE-JU3To

(11)  Opinjoni tal-KESE tal-15.9.2010, SOC/373 (ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6).

(12)  ĠU C 80, 3.4.2002, p. 37. Opinjoni tal-KESE tal-15.9.2010, SOC/373 (ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6).

(13)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6

(14)  Opinjoni tal-KESE tal-4.11.2009, SOC/352, punt 4.4.14 (ĠU C 128, 18.5.2010, p.80. Fil-Komunikazzjoni COM(2014) 154 final tal-11.3.2014, il-Kummissjoni reġgħet ippreżentat l-inizjattiva tagħha għall-Pjattaforma li ġiet irrifjutata mill-Kunsill fil-Programm ta' Stokkolma.

(15)  http://www.unhcr.org/pages/49c3646c4d6.html

(16)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tat-12.3.2008 dwar “Il-Green Paper dwar is-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni” (relatur: is-Sinjura Le Nouail Marlière), ĠU C 204, 9.8.2008), p.77, punt 1.1.

(17)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tat-12.3.2008 dwar “Il-Green Paper dwar is-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni” (relatur: is-Sinjura Le Nouail Marlière) ĠU C 204, 9.8.2008. p.77.

(18)  http://easo.europa.eu/wp-content/uploads/EASO-AR-final1.pdf

(19)  Manwal tar-risistemazzjoni tal-UNHCR, Lulju 2011 (verżjonijiet riveduti fl-2013 u l-2014), disponibbli fuq: http://www.unhcr.org/4a2ccf4c6.html (mhux disponibbli bil-Malti).

(20)  Ara l-Opinjoni tal-KESE SOC/320 tal-25 ta' Frar 2009, ĠU C 218, 11.9.2008, p. 78.

(21)  Ibid. (point 7.2.2).

(22)  Artikoli 19(4) u 25(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1)

(23)  Kummissjoni Ewropea, Proposta għal Regolament dwar il-Kodiċi tal-Unjoni dwar il-Viżi (Riformulazzjoni) {SWD(2014) 67 final} {SWD(2014) 68 final}, COM(2014) 164 final, 1 ta' April 2014, Brussell.

(24)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 162

(25)  S. Carrera (2010), Towards a Common European Border Service (Lejn servizz komuni tal-fruntieri fil-livell Ewropew), Dokumenti ta' Ħidma taċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej, Brussell.

(26)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014 stabbilixxew l-għan li jiġu studjati l-possibbiltà u l-vijabbiltà tat-twaqqif tiegħu bħala waħda mill-prijoritajiet politiċi għall-aġenda futura tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja sal-2020. Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 26-27 ta' Ġunju 2014, EUCO 79/14, Brussell, 27 ta' Ġunju 2014.

(27)  http://frontex.europa.eu/news/first-annual-report-of-the-frontex-consultative-forum-on-fundamental-rights-published-WDPSJn

(28)  http://www.ombudsman.europa.eu/en/cases/specialreport.faces/en/52465/html.bookmark

(29)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 97

(30)  Ara l-Opinjoni tal-KESE SOC/456 tal-11 ta' Lulju 2012, punt 16.2 (ĠU C 299, 4.10.2012, p. 108).

(31)  http://ec.europa.eu/bepa/european-group-ethics/docs/publications/ege_opinion_28_ethics_security_surveillance_technologies.pdf Ara r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ecadocuments/sr14_03/sr14_03_en.pdf

(32)  Regolament Nruo656/2014 tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, 27.6.2014, ĠU L 189, 27.6.2014, p. 93.

(33)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 44, 16.2.2008, p. 91.

(34)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 302, 7.12.2004, p. 49.

(35)  REX/351, ĠU C 191, 29.6.2012, p. 134.

(36)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni u r-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi” (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

(37)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni u r-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi” (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).


19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 458/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-investiment b'impatt soċjali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2014/C 458/03)

Relatur Ġenerali:

is-Sinjura Rodert

Nhar il-5 ta' Ġunju 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni dwar

L-Investiment b'Impatt Soċjali

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Nhar it-3 ta' Ġunju 2014, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul il-501 Sessjoni Plenarja tiegħu tal-10 u l-11 ta' Settembru 2014 (seduta tal-11 ta' Settembru) li jaħtar lis-Sinjura Rodert bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b'176 vot favur, 37 vot kontra u 19-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-interess fl-investiment b'impatt soċjali iżda jenfasizza li dan għandu jitqies fil-kuntest tal-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali u l-Inizjattiva ta' Negozju Soċjali (SBI).

1.2

Il-KESE jqis li l-investiment b'impatt soċjali huwa dak li jlaqqa' riżorsi transsettorjali differenti biex joħloq impatt soċjali u li huwa element wieħed fl-ekosistema finanzjarja soċjali.

1.3

L-investiment b'impatt soċjali m'għandux ikollu l-għan li jissostitwixxi r-responsabbiltà tal-finanzjament tal-attivitajiet ewlenin fis-settur soċjali, iżda iktar jista' jikkomplementa flussi finanzjarji oħra. Il-KESE jappoġġja d-dibattitu li għaddej bħalissa fil-Kummissjoni dwar l-esklużjoni tal-investimenti soċjali mill-kalkolu tad-defiċits nazzjonali netti skont ir-regoli fiskali tal-UEM, b'konformità mar-regola finanzjarja “tad-deheb”.

1.4

Peress li l-aċċess għall-finanzjament huwa preokkupazzjoni ġenerali għall-SMEs kollha, għandhom jiġu żviluppati ekosistemi finanzjarji adatti għad-diversi mudelli ta' intrapriża. Madankollu, il-KESE jenfasizza li l-investiment b'impatt soċjali mhuwiex immirat lejn ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), iżda iktar lejn l-investiment fl-intrapriżi soċjali, skont id-definizzjoni tal-SBI.

1.5

Meta l-impatt soċjali jitkejjel bħala parti mir-redditu fuq l-investiment, il-KESE jħeġġeġ lill-partijiet interessati biex ikomplu jibnu fuq ix-xogħol li sar u l-prinċipji diġà stabbiliti mill-Kummissjoni u l-KESE f'dan il-qasam, minflok ma jivvintaw metodi ġodda.

1.6

Fil-fehma tal-KESE, l-aħjar mudelli għall-investiment b'impatt soċjali huma soluzzjonijiet ta' kapital ibridu, bħall-kapital imħallat “paċenzjuż”, ħafna drabi b'parti li tkun garantita. Il-Kummissjoni għandha tesplora l-ekosistema finanzjarja wiesgħa ta' strumenti innovattivi li qed jiżviluppaw bħalissa u teżamina l-effett potenzjalment pożittiv fuq il-provvista tal-kapital għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni tal-politika soċjali.

1.7

Meta jiġu żviluppati strumenti ġodda ta' investiment, għandhom jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-intrapriżi soċjali. Dan biex jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi ta' kwalità għolja u l-kontinwità tas-servizzi.

1.8

Peress li l-ekonomija soċjali u l-intrapriżi soċjali mhumiex żviluppati sew f'ħafna Stati Membri, l-iżvilupp ta' suq għall-investiment soċjali huwa sekondarju għall-implimentazzjoni sħiħa tal-SBI fil-livell nazzjonali, li tikkonsisti f'azzjonijiet daqstant importanti bħall-bini tal-kapaċità, ir-rikonoxximent u l-viżibbiltà.

1.9

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom rabta mill-qrib mas-settur tas-soċjetà ċivili. Ir-rikonoxximent u s-salvagwardja tal-ħidma f'dan is-settur, kif ukoll il-mudelli speċifiċi fl-ekonomija soċjali huma kruċjali biex jinħolqu s-sħubijiet fiduċjużi u innovattivi tant meħtieġa bejn is-setturi.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-Ewropa qed tirkupra wisq bil-mod minn kriżi li qatt ma rat bħalha u qed tiffaċċja sfidi soċjetali kbar li jitolbu innovazzjoni soċjali, bidla strutturali u sistemi tas-sigurtà soċjali stabbli u sostenibbli. Dan jeħtieg il-mobilizzazzjoni tal-partijiet kollha interessati u r-riżorsi fis-soċjetà kollha biex jinħolqu soluzzjonijiet sostenibbli biex is-sitwazzjoni soċjali fl-Ewropa tiġi appoġġjata u tmur għall-aħjar.

2.2

F'dan il-kuntest, il-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali (SIP) (1) tal-Kummissjoni jenfasizza l-importanza ta' sistemi tas-sigurtà soċjali mfassla sew fejn l-intrapriżi soċjali u l-intraprendituri soċjali (2) jiġu appoġġjati bħala pijunieri tal-bidla u l-innovazzjoni biex jikkomplementaw l-isforzi tas-settur pubbliku.

2.3

Barra minn hekk, l-Inizjattiva ta' Negozju Soċjali (SBI) (3) tagħti prijorità lill-ħolqien ta' ambjent favorevoli għat-tkabbir u l-iżvilupp ta' intrapriżi soċjali u l-ekonomija soċjali fl-Ewropa. Tul is-snin il-KESE pprovda għarfien espert speċifiku f'dan il-qasam (4). Dawn iż-żewġ oqfsa ta' politika tal-UE jidentifikaw b'mod ċar il-ħtieġa tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali li jkollhom aċċess aħjar għal finanzjament adattat għalihom, kwistjoni komuni mal-SMEs b'mod ġenerali.

2.4

Barra minn hekk, qed jikber l-interess min-naħa tal-investituri biex jgħaqqdu l-benefiċċji soċjali u ambjentali ma' redditu fuq l-investiment (5). F'Ġunju 2013, matul il-Forum għall-Investiment b'Impatt Soċjali tal-G8, inħoloq Taskforce għall-Investiment b'Impatt Soċjali (6), li l-għan tiegħu hu li jixpruna l-iżvilupp ta' suq ta' investiment b'impatt soċjali. Bħalissa dan it-taskforce qed jaħdem fuq rapport b'rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu ppubblikati f'Settembru 2014.

2.5

Din l-Opinjoni tesplora l-perspettiva tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u l-investiment b'impatt soċjali peress li dawn jinsabu f'pożizzjoni tajba biex jindirizzaw l-bżonnijiet soċjali u jikkomplementaw l-isforzi pubbliċi biex jissaħħu l-politiki soċjali. Hija żżid mal-ħidma tat-Taskforce għall-Investiment b'Impatt Soċjali iżda timmira wkoll li tikkontribwixxi għad-diskussjoni usa' dwar l-aċċess għall-finanzjament għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

3.   L-investiment b'impatt soċjali

3.1

Il-KESE jilqa' l-interess fl-investiment b'impatt soċjali iżda jisħaq li dan għandu jitqies fil-kuntest tal-SIP u l-SBI u għandu jiffoka fuq li jappoġġja l-innovazzjoni soċjali u jindirizza l-bżonnijiet soċjali minflok li jiġġenera dħul finanzjarju. Il-KESE jirrakkomanda li l-punt ta' tluq komuni jrid ikun bżonn soċjali, imbagħad li jiġu identifikati l-aħjar soluzzjonijiet u, bħala t-tielet pass, kif l-aħjar jiġi ffinanzjat l-intervent.

3.2

Il-KESE jqis li l-investiment b'impatt soċjali huwa dak li jlaqqa' riżorsi transsettorjali differenti: l-ekonomija pubblika, privata u soċjali bil-għan li joħloq impatt soċjali. F'dan il-kuntest, l-investiment b'impatt soċjali huwa element wieħed fl-ekosistema finanzjarja soċjali.

3.3

Madankollu, peress li dan huwa qasam emerġenti, il-KESE jħeġġeġ lid-diversi partijiet interessati biex ma jiddefinixxux dan il-qasam malajr wisq jew b'mod dejjaq wisq, iżda li minflok jidentifikaw karatteristiċi komuni u jimmonitorjaw kif dan il-qasam qed jiżviluppa fl-Istati Membri. Huwa kruċjali li l-investiment soċjali privat ma jkollux l-għan li jissostitwixxi r-responsabbiltà pubblika għall-finanzjament ta' attivitajiet ewlenin fis-settur soċjali bbażati fuq liġijiet soċjali u drittijiet legali.

3.4

L-interess fl-investiment b'impatt soċjali huwa fatt iżda għadu ġdid u qed jiżviluppa. L-ewwel sfida hi li niddeskrivu l-kunċett u l-miri ppjanati tal-investiment. Fid-dibattitu attwali tal-G8, l-intrapriżi soċjali huma l-mira ewlenija b'bosta miri ta' investiment sekondarji emerġenti. Dawn għandhom diversi kombinazzjonijiet ta' skopijiet soċjali u ta' qligħ: bħala attività ewlenija (intrapriżi soċjali – immexxija minn għan soċjali) jew attività sekondarja (SME – qligħ bi skop soċjali). Ta' min jinnota li anke jekk l-intrapriżi soċjali huma ta' natura speċifika, dawn għadhom parti normali tal-ekonomija.

3.5

Peress li ħafna intrapriżi llum jista' jkollhom impenn soċjali jew ambjentali, mhux kollha jistgħu jiġu kklassifikati bħala intrapriżi soċjali. Xi intrapriżi ħadu l-impenn tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), li l-Kummissjoni tiddefinixxi bħala r-responsabbiltà tal-intrapriżi għall-impatt tagħhom fuq is-soċjetà u l-ambjent (7), attività minn intrapriżi regolari bi skop ta' qligħ, li hija volontarja.

3.6

Għalhekk, il-KESE jenfasizza li kull inizjattiva f'dan il-qasam għandha tkun konformi mad-deskrizzjoni tal-SBI għal intrapriża soċjali, peress li tiġbor id-diversi mudelli ta' intrapriża soċjali fl-Istati Membri. Skont l-SBI, intrapriża soċjali hija “operatur fl-ekonomija soċjali li l-għan prinċipali tagħha huwa li jkollha impatt soċjali aktar milli biex tagħmel profitt għas-sidien jew l-azzjonisti tagħha”, u tissodisfa tliet kriterji ewlenin (8).

3.7

F'dan id-dawl, il-KESE jemmen li huwa kruċjali li jiġu provduti ekosistemi finanzjarji adattati b'firxa wiesgħa ta' strumenti, mudelli u prodotti għad-diversi mudelli u strutturi kollha, li jvarjaw minn intrapriżi li jkunu soċjalment responsabbli għal intrapriżi tal-ekonomija soċjali għall-azzjoni soċjali, filwaqt li jitqies li dawn mhux dejjem ikunu l-istess. Anke jekk l-inizjattivi ta' investiment b'impatt soċjali jkunu mmirati l-iktar lejn dan tal-aħħar, ta' min jinnota li l-SMEs jaqsmu preokkupazzjonijiet simili mil-lat tal-aċċess għall-finanzjament, ħaġa li għandha tiġi indirizzata wkoll bis-sħiħ.

3.8

Fil-fehma tal-KESE, il-finanzjament għall-innovazzjoni soċjali għandu jinkludi l-firxa sħiħa ta' sorsi ta' finanzjament – minn għotjiet sa investimenti – bi stennijiet differenti ta' redditu, b'kunsiderazzjoni ta' mudelli kummerċjali tal-intraprendituri soċjali. Dan huwa f'kuntrast mad-deskrizzjoni li tintuża l-iktar mill-GIIN (9), li tgħid li l-investimenti b'impatt huma investimenti li jsiru f'kumpaniji, organizzazzjonijiet, u fondi bil-għan li jiġġeneraw impatt li jista' jitkejjel, li jkun benefiċjali, soċjali u ambjentali flimkien ma' redditu finanzjarju. Fil-fehma tal-KESE din id-definizzjoni ma tiġborx il-varjetà ta' investiment soċjali li teżisti diġà u li għandha tiġi żviluppata, u lanqas l-għan li jiġu identifikati sorsi ġodda ta' finanzjament għall-progress soċjali. Huwa jqis l-ewwel nett l-investiment soċjali mil-lat tal-investitur privat, mingħajr ir-rabta mal-innovazzjoni fil-politika soċjali.

3.9

Parti kruċjali tal-investiment b'impatt soċjali hija l-kejl tal-impatt soċjali li jirriżulta mill-intervent. B'referenza għall-Opinjoni tal-KESE dwar il-kejl tal-impatt soċjali (10), il-KESE jressaq l-argument li l-kejl tal-impatt soċjali għandu jappoġġja l-missjoni soċjali, għandu jkunu proporzjonali u jagħraf li l-impatt jista' jitkejjel f'bosta modi skont l-attivitajiet tal-intrapriża. Fir-rapport tal-grupp sekondarju tal-GECES, adottat f'Ġunju 2014 (11), insibu prinċipji simili. Hawnhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati rilevanti biex jibnu fuq il-ħidma u l-prattiki Ewropej minflok ma jivvintaw metodi ġodda. Barra minn hekk, kwalunkwe regola ġdida addizzjonali żviluppata biex tappoġġja l-Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew (EuSEF) għandha tkun proporzjonali u tirrifletti l-ħtiġiet u r-riżorsi limitati tal-intrapriżi soċjali li qed isir investiment fihom.

4.   Il-perspettiva tal-intrapriża soċjali

4.1

Sabiex jiġi rilaxxat kompletament il-potenzjal fis-settur tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jeħtieġ ekosistema finanzjarja interkonnessa ibbażata fuq is-sistema finanzjarja etika u alternattiva eżistenti, minflok ma jiġu applikati strumenti finanzjarji regolari u l-loġika li tiffoka l-iktar fuq il-perspettiva tal-investituri.

4.2

Kif esprima l-KESE fl-Opinjoni (12) tiegħu, hemm ir-riskju li l-investiment soċjali li jkun tfassal bħala strument tal-ekwità jkun diffiċli għal ħafna intrapriżi tal-ekonomija soċjali li jaċċessawh, peress li s-sjieda u l-kontroll jistgħu ma jkunux kompatibbli mal-mudelli, il-valuri u l-forom legali tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

4.3

Għalhekk, fil-fehma tal-KESE l-investiment b'impatt soċjali għandu jħeġġeġ soluzzjonijiet ta' kapital ibridu. Il-mudell tal-kapital ibridu jiġbor flimkien għotjiet b'self “paċenzjuż” fuq perjodu twil u strumenti simili li jippermettu dewmien u tul ta' żmien u li jagħmlu tajjeb għalihom il-proprjetà pubblika jew il-garanziji pubbliċi.

4.4

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni, biex bħala l-ewwel pass f'dan il-qasam emerġenti, tiffaċilita l-esperjenzi tal-politika tal-aħjar prattika assoċjati mad-diversi mudelli tal-investiment b'impatt soċjali u l-finanzjament li qed jiżviluppaw bħalissa. Dan l-eżami jista' jevalwa l-opportunitajiet u l-isfidi ta' strumenti speċifiċi u forom ta' kapital u l-provvedituri tagħhom, bħall-Bonds b'Impatt Soċjali (13), l-Atti ta' Investiment mill-ġdid fil-Komunità jew il-Bonds Soċjali Taljani (14).

4.5

Billi għalissa dawn l-istrumenti finanzjarji innovattivi jidhru l-iktar fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, l-interess tal-livell transkonfinali huwa limitat. Għalhekk, il-KESE jemmen li m'hemmx bżonn li l-UE tipprovdi stimolu addizzjonali għal suq Ewropew għall-investiment b'impatt soċjali f'dan il-mument.

4.6

Il-karatteristiċi speċifiċi l-oħra tal-intrapriżi soċjali għandhom jitqiesu wkoll fil-kuntest tal-investiment b'impatt soċjali. Fost il-kwistjonijiet li għandhom jitqiesu nsibu ċ-ċessjoni, l-investiment fit-tul minflok dak fuq il-perjodu l-qasir, l-effett tal-kontinwità fuq il-provvista tas-servizzi, l-impatt fuq il-missjoni soċjali tal-intrapriżi soċjali, eċċ.

4.7

L-inċentivi, bħal dawk fiskali, għandhom jiġu eżaminati iktar mill-qrib bħala elementi wieħed tal-mudell tad-dħul, bħalma għandha tiġi eżaminata wkoll il-kwistjoni dwar kif għandhom jiġu bbilanċjati l-inċentivi mogħtija lill-investituri kontra r-redditu mistenni mis-suq. Ir-redditu m'għandux jitħalla jkun ogħla mir-rata attwali ta' redditu mis-suq meta jkunu involuti l-fondi jew l-inċentivi pubbliċi. Il-Kummissjoni għandha teżamina t-tipi ta' inċentiv ta' kapital u r-redditu finanzjarju u/jew soċjali fl-Istati Membri. Jista' jkun utli li l-fondi tal-pensjonijiet jiġu mistiedna jqisu t-tali investimenti bħala parti minn portafoll diversifikat.

4.8

Huwa importanti wkoll li l-Kummissjoni timmonitorja l-progress tal-investiment b'impatt soċjali fuq bażi regolari biex jiġi żgurat li l-gruppi destinatarji ewlenin tal-intrapriżi soċjali u tal-ekonomija soċjali fil-fatt ikollhom aċċess aħjar għal kapital adatt.

5.   Aspetti oħra tal-investiment b'impatt soċjali u l-qafas ta' politika

5.1

Fid-dawl tal-importanza tal-aċċess għal finanzjament adatt matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' intrapriża, kwalunkwe żvilupp għandu jsir fi ħdan qafas ta' politika għal finanzjament u investiment soċjali li jappoġġja s-settur tal-intrapriża soċjali fil-livell tal-Istati Membri, li b'hekk jevita li xi Stati Membri jesploraw l-istrumenti individwali minflok ma joħolqu qafas politiku wiesa'.

5.2

Huwa daqstant importanti li jitqies kull tip ta' investitur – pubbliku, privat u mis-soċjetà ċivili – filwaqt li jiġu kkunsidrati l-iskopijiet u l-istennijiet individwali biex jiġu żgurati l-aħjar sħubijiet u riżultati. Iżda l-iktar importanti, l-iżvilupp ta' infrastruttura ta' investiment b'impatt soċjali għandu jinfluwenza b'mod pożittiv il-mudelli tas-sigurtà soċjali fl-Ewropa. Il-politika għandha titfassal bir-reqqa fil-kuntest nazzjonali bil-għan li l-intrapriżi soċjali u s-settur pubbliku jsaħħu lis-sistemi tas-sigurtà soċjali b'mod reċiproku filwaqt li jiġi żgurat l-aċċess universali għall-kwalità u s-servizzi affordabbli.

5.3

F'dan il-kuntest il-gvern jaqdi rwol ċentrali bħala “xerrej” ta' impatt soċjali iżda l-ewwel nett bħala l-entità responsabbli ewlenija għall-garanzija tad-drittijiet soċjali. L-inizjattivi għas-suq tal-investiment soċjali għandhom joriġinaw mill-perspettiva li jinkiseb impatt soċjali pożittiv għall-ġid komuni, u mhux li l-gvern jirtira mill-obbligu tiegħu li jipprovdi politika soċjali, sigurtà soċjali u servizzi soċjali.

5.3.1

Il-KESE jappoġġja d-dibattitu li għaddej bħalissa fil-Kummissjoni dwar l-esklużjoni tal-investimenti soċjali mill-kalkolu tad-defiċits nazzjonali netti skont ir-regoli fiskali tal-UEM, b'konformità mar-regola finanzjarja “tad-deheb” (15).

5.4

L-Opinjoni tal-KESE dwar il-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali u l-ħidma relatata (16) għandhom jiġu kkunsidrati f'dan il-kuntest, b'talba għal finanzjament innovattiv li jirrikonoxxi li investiment soċjali ppjanat sew, effettiv u effiċjenti ser jimmassimizza l-effetti soċjali u li l-investimenti tas-sigurtà soċjali jġibu progress soċjali u jnaqqsu l-ispejjeż soċjali futuri.

5.5

L-investiment fl-intrapriżi soċjali huwa partikolarment kumpless peress li s-servizzi provduti ħafna drabi jinvolvu lin-nies fil-bżonn. Is-suċċess tal-interventi jiddependi mir-riżorsi, il-flessibbiltà li jsir adattament għall-kundizzjonijiet li jinbidlu u li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi. L-applikazzjoni ta' investiment tradizzjonali u l-loġika tas-suq f'dan il-qasam teħtieġ ħsieb bir-reqqa biex jiġi evitat li jkun hemm impatt negattiv fuq il-grupp destinatarju ewlieni, l-utent aħħari.

5.6

L-investiment b'impatt soċjali għandu jiġi esplorat ukoll fil-kuntest usa' tal-finanzjament bħall-akkwist pubbliku u l-għoti tal-kuntratti. L-investiment b'impatt soċjali għall-innovazzjoni jeħtieġ relazzjoni differenti li tiddependi minn sħubija indaqs bejn il-partijiet interessati fejn l-awtoritajiet pubbliċi huma ċentrali.

5.7

Peress li s-settur tal-intrapriżi soċjali għadu mhuwiex żviluppat sew f'ħafna pajjiżi, kull inizjattiva fil-qasam tal-investiment b'impatt soċjali għandu jitqies bir-reqqa. Suq ta' investiment soċjali jeħtieġ domanda u provvista, u għalhekk jeħtieġ settur tal-intrapriżi soċjali stabbilit sew. L-iżvilupp ta' suq ta' investiment huwa biss sekondarju għat-twaqqif ta' settur sostenibbli għall-intrapriżi soċjali.

5.8

F'dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li nsemmu li l-intrapriżi soċjali jinħolqu f'kuntest ta' soċjetà ċivili. Għalhekk, l-appoġġ għal soċjetà ċivili indipendenti u sostenibbli huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-intrapriżi soċjali, bħalma huwa wkoll id-djalogu mal-ekonomija soċjali fl-istadji kollha.

5.9

Anke jekk ikun hemm provvista ta' finanzjament adatt (investiment b'impatt soċjali jew ieħor) disponibbli, dan is-suq mhux ser jiffunzjona kompletament mingħajr il-bini tal-kapaċità fil-programmi li jkejlu l-impatt soċjali u l-prontezza għall-investiment. Għandu jiġi mħeġġeġ li jinħolqu provvedituri ġodda għal dawn is-servizzi tal-bini tal-kapaċità, li ħafna drabi jkunu l-intrapriżi soċjali huma stess. Hemm bżonn ukoll li jinħolqu interfaċċji bejn l-intrapriżi soċjali u d-dinja tal-investiment soċjali, fejn intermedjarji speċjali jaqdu rwol ċentrali. Madankollu, il-KESE jwissi kontra ż-żieda ta' wisq livelli ta' intermedjarji jew atturi fuq skala kbira peress li s-sħubijiet ġenwini tal-innovazzjoni soċjali jiddependu minn kuntatt dirett u mill-qrib bejn il-partijiet interessati (ħafna drabi żgħar u lokali) biex jibnu l-fiduċja, u dan ma jagħmluhx permezz ta' sensara.

5.10

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li ssir distinzjoni ċara bejn l-impatt soċjali ta' intrapriża soċjali per se u l-impatt soċjali ġenerat permezz ta' attività jew programm speċifiku tal-intrapriża. L-intrapriżi soċjali dejjem għandhom jirrispettaw il-liġi tax-xogħol, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-ftehimiet kollettivi rilevanti.

5.11

L-appoġġ għall-ekonomija soċjali u l-intrapriżi soċjali jeħtieġ ħarsa olistika lejn l-oriġini ta' ideat eċċellenti, min imexxihom u kif jiżiluppaw. Kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet hija sfida għall-gvernijiet u l-investituri privati biex jaħsbu b'mod kreattiv biex jipprovdu kapital għall-investiment biex jiġi rilaxxat il-potenzjal sħiħ tas-settur tal-intrapriżi soċjali u s-soċjetà. Apparti l-aċċess għall-finanzjament, hemm bżonn komponenti oħra ewlenin biex jinħoloq ambjent favorevoli għas-settur tal-intrapriżi soċjali fl-Ewropa. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu vantaġġ mid-dispożizzjonijiet disponibbli fil-kuntest tal-SBI u jiżviluppaw pjani ta' appoġġ nazzjonali għas-settur, u jappella lill-Kummissjoni biex talloka unità ta' tmexxija biex tiżviluppa t-tieni fażi tal-SBI fis-snin li ġejjin.

Brussell, 11 ta' Settembru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2013) 83 final.

(2)  L-ekonomija soċjali, magħrufa wkoll bħala “it-tielet settur”, tirreferi għall-atturi mhux governattivi bħall-organizzazzjonijiet tal-komunità, l-organizzazzjonijiet volontarji, u l-intrapriżi soċjali li jorganizzaw attivitajiet għall-benefiċċju soċjali. L-intrapriżi soċjali huma negozji primarjament b'għanijiet soċjali, u fejn il-bilanċi favorevoli normalment jiġu investiti mill-ġdid fin-negozju jew fil-komunità, minflok ma l-profitt jiġi massimizzat għas-sidien u l-azzjonisti.

(3)  COM(2011) 682 final.

(4)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22, ĠU C 24, 28.1.2012, p. 1, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 44, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 55, uĠU C 170, 5.6.2014, p.18.

(5)  Dan l-interess jinkludi investituri privati li jvarjaw minn provvedituri ta' kapital ta' riskju għall-fondi tal-pensjonijiet, il-fondazzjonijiet, il-banek pubbliċi u dawk privati, kif ukoll netwerks bħal TONIIC, EVPA u n-Netwerk ta' Appoġġ Ashoka.

(6)  https://www.gov.uk/government/groups/social-impact-investment-taskforce

(7)  http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sustainable-business/corporate-social-responsibility/index_en.htm

(8)  COM(2011) 682 final, p. 2.

(9)  Id-definizzjoni tal-Global Impact Investment Network, http://www.thegiin.org/cgi-bin/iowa/aboutus/index.html

(10)  ĠU C 170, 5.6.2014, p.18.

(11)  http://ec.europa.eu/internal_market/social_business/docs/expert-group/social_impact/140605-sub-group-report_en.pdf

(12)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 55.

(13)  https://www.gov.uk/social-impact-bonds

(14)  http://www.ubibanca.com/page/ubicomunita-social-bond

(15)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21.

(16)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 91ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

501 Sessjoni Plenarja tal-KESE fl-10 u l-11 ta' Settembru 2014

19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 458/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kumpaniji privati b'responsabbiltà limitata b'membru uniku”

COM(2014) 212 final – 2014/0120 (COD)

(2014/C 458/04)

Relatur:

is-Sur Röpke

Nhar is-16 ta' April u nhar is-6 ta' Mejju 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kumpaniji privati b'responsabbiltà limitata b'membru uniku

COM(2014) 212 final – 2014/0120 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Lulju 2014.

Matul il-501 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Settembru 2014 (seduta tal-10 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'127 vot favur, 50 vot kontra u 15-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva dwar kumpaniji privati b'responsabbiltà limitata b'membru uniku (Societas unius personae – SUP) (1) hija maħsuba biex tiffaċilita l-attivitajiet transkonfinali tal-SMEs. Il-KESE jqis li fil-forma attwali tagħha l-Proposta għadha mhux żviluppata biżżejjed, peress li bosta dispożizzjonijiet jippreżentaw riskji potenzjali (serji) għat-twettiq xieraq tan-negozju fis-suq intern u għall-interessi tal-kredituri, il-konsumaturi u l-impjegati. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Kummissjoni tikkunsidra u timplimenta l-proposti ta' din l-Opinjoni.

1.2

Il-bażi legali magħżula (Artikolu 50 tat-TFUE) mhix konvinċenti u tidher li hija mmirata primarjament sabiex tevita r-rekwiżit tal-unanimità fil-Kunsill u tiżgura li din l-inizjattiva ma tfallix hekk kif falliet dik tal-kumpanija privata Ewropea (SPE). Anki jekk l-għan huwa li s-SUPs jiġu ankrati formalment fil-liġi nazzjonali bħala forma ta' kumpanija alternattiva, il-karatteristiċi essenzjali tagħhom huma definiti b'mod ċar fil-liġi sovranazzjonali. Għaldaqstant, il-bażi legali adatta hija l-Artikolu 352 tat-TFUE.

1.3

Il-KESE jappoġġja l-għan li t-twaqqif ta' kumpaniji jsir kemm jista' jkun faċli, b'mod partikolari għall-SMEs. Madanakollu r-rekwiżit kapitali minimu propost għas-SUP ta' EUR 1 u l-projbizzjoni tar-rekwiżit li jinbnew riservi jikkostitwixxu limitazzjoni ''b'xejn'' tal-obbligazzjonijiet. Dawn jistgħu jwasslu biex il-partijiet tas-suq jitolbu garanziji personali mis-sid tan-negozju biex jiġu riassigurati l-partijiet terzi (il-konsumatur, il-provvedituri, il-kredituri) u dan jikkanċella l-vantaġġi tar-responsabbiltà limitata.

1.4

Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn jitħeġġeġ il-ħolqien ta' kumpaniji tas-saħħa u jissuġġerixxi għalhekk li jiġi stabbilit rekwiżit kapitali sostanzjali u adatt għall-għan kummerċjali għas-SUPs fil-forma ta' ''livell limitu ta' kredibilità'' sabiex jitħarsu l-interessi tal-kredituri, il-konsumaturi, l-impjegati u l-pubbliku u jiġi evitat kwalunkwe riskju għall-kummerċ. Dan għandu jkun ibbażat fuq l-esperjenza ta' ċerti Stati Membri fejn tnaqqis inizjali fil-kapital minimu depożitat ġie kkumpensat minn ''mudell ta' tfaddil'' fejn il-kumpanija tibni r-riservi tagħha fis-snin ta' wara sabiex tevita sottokapitalizzazzjoni fit-tul. Għall-finijiet ta' ''ċarezza tal-kumpanija'', l-isem tas-SUP għandu jindika wkoll il-limitazzjoni tar-responsabbiltà kif ukoll il-pajjiż tar-reġistrazzjoni.

1.5

Il-KESE huwa tal-fehma li SUP m'għandhiex tkun reġistrata f'post fejn ma twettaq l-ebda attività ekonomika (letter boxes). Din hija l-ewwel darba li, għal forma ta' kumpanija Ewropea, qed tiġi proposta distinzjoni bejn l-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija u l-kwartieri ġenerali amministrattivi tagħha u tistabbilixxi għalhekk preċedent. Dan qajjem tħassib fi ħdan il-KESE. Flimkien mad-dispożizzjoni li s-SUPs huma soġġetti għal-liġi tal-Istat li fih huma reġistrati, din id-distinzjoni tista' thedded id-drittijiet tal-impjegati pereżempju fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom u tista' twassal ukoll għall-evitar tal-liġjiet fiskali nazzjonali.

1.6

It-trasferiment formali tal-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija u t-tibdil fl-istatut tal-kumpanija li jirriżulta minn dan jista' jhedded id-dritt tal-parteċipazzjoni fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji (bord ta' superviżjoni jew ta' ġestjoni). Il-KESE jitlob għalhekk espressament li l-uffiċċju reġistrat u l-kwartieri ġenerali amministrattivi tas-SUPs ikunu ħaġa waħda kif inhu previst għall-forom legali sovranazzjonali (kumpanija Ewropea (SE), Soċjetà Kooperattiva Ewropea). Barra minn hekk, il-KESE jitlob li jiġu garantiti d-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati ta' Stat Membru fejn SUP twettaq l-attivitajiet kummerċjali prinċipali tagħha u biex tiġi indirizzata b'mod deċiżiv il-kompetizzjoni inġusta. Il-KESE għaldaqstant iqis li hemm bżonn li s-SUPs jiġu regolati bl-istess mod anke fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-impjegati.

1.7

Il-KESE jemmen li, fl-interess tal-fundatur tal-kumpanija, huwa iktar importanti li jiġi żgurat it-twaqqif rapidu ta' kumpanija fi skeda ta' żmien adatta. Madankollu, l-użu ta' proċedura purament elettronika għar-reġistrazzjoni tas-SUPs jista' jqajjem numru ta' problemi u riskji jekk l-identità tal-fundatur tal-kumpanija ma tiġix verifikata. L-ommissjoni ta' verifiki tal-identità tista' tnaqqas it-trasparenza fir-rigward tal-imsieħba fin-negozju, thedded il-kredibilità tat-tranżazzjonijiet legali u hija ta' ħsara għall-interessi tal-konsumatur. Dan iħeġġeġ u jiffaċilita 'l hekk imsejħa ''letterbox companies'' u l-impjieg indipendenti fittizju. Sabiex titqies ix-xewqa li jkun hemm sistema ta' reġistrazzjoni elettronika l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħżlu jekk idaħħluhiex jew le. F'dan il-każ madanakollu din għandha tinvolvi xi tip ta' analiżi preliminari tal-identità u rikonoxximent jew konsultazzjoni tal-fundaturi mill-korpi u/jew in-nutari kompetenti.

1.8

Il-KESE jilqa' l-għan tal-introduzzjoni ta' forma ġdida ta' liġi tal-kumpaniji sabiex ikun iktar faċli għall-SMEs (inklużi l-istartups u l-mikrointrapriżi) li joperaw fis-suq uniku. Sabiex jiġi żgurat l-appoġġ għall-SMEs fil-qafas tal-Proposta għal Direttiva jeħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva jiġi limitat għal dawn il-kumpaniji. Dan l-istrument mhuwiex intiż biex joffri l-possibbiltà lill-kumpaniji b'attivitajiet internazzjonali li jmexxu kumpaniji sussidjarji li jista' jkollhom mijiet jew eluf ta' impjegati bħala SUP. Għalhekk il-KESE jipproponi li s-SUP tkun disponibbli biss għall-kumpaniji li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 3(2) (2) tad-Direttiva 2013/34/UE (Direttiva dwar il-Kontabilità) (3). Dan ikun ifisser li meta SUP tilħaq ċertu daqs, il-kumpanija jkollha tinbidel f'forma legali oħra.

1.9

Fil-qosor, ta' min jinnota li jekk tiġi adottata l-Proposta għal Direttiva, f'numru ta' Stati Membri jistgħu jiġu dubitati l-prinċipji nazzjonali tal-liġi tal-kumpanija għal kumpaniji b'responsabbiltà limitata. B'rabta mal-bażi legali magħżula, il-KESE jiddubita kemm il-proposta hija kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Għal din ir-raġuni l-KESE jitlob li l-SUP tiġi limitata għal kumpaniji b'attivitajiet transkonfinali, li meta jkunu qed jirreġistraw ikunu attivi mill-inqas f'żewġ Stati Membri jew jistgħu juru b'mod sodisfaċenti li f'perjodu stabbilit (pereżempju sentejn) wara li jkunu rreġistraw ser ikunu attivi f'mill-inqas żewġ Stati Membri. Il-Proposta għal Regolament dwar l-Istatut għal Fondazzjoni Ewropea (FE) (4) u r-rapport interim relatat tal-Parlament Ewropew jistgħu jservu bħala eżempju.

1.10

Għalhekk minkejja li l-KESE jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tappoġġja l-SMEs fil-qafas tal-liġi tal-kumpanija, huwa jqis li għad hemm bżonn konsiderevoli ta' diskussjoni dwar il-kontenut konkret tad-Direttiva. Sabiex il-proposta tiġi valutata b'mod pożittiv, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jiġu implimentati l-proposti ta' din l-Opinjoni. B'mod partikolari jeħtieġ li tinstab soluzzjoni bilanċjata f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati li madanakollu ma ġewx ikkonsultati minn qabel bl-istess mod mill-Kummissjoni.

2.   Kummenti ġenerali dwar il-Proposta għal Direttiva

2.1

Fl-2008, il-Kummissjoni Ewropea ppruvat, permezz tal-Proposta għal Statut tal-kumpanija privata Ewropea (SPE) (5), toffri lill-SMEs strument li jiffaċilità l-attivitajiet transkonfinali li jkun sempliċi, flessibbli u uniformi fl-Istati Membri. Din l-inizjattiva fl-aħħar mill-aħħar falliet fil-Kunsill u l-Kummissjoni konsegwentmenet ħabbret li ser tirtira l-proposta għall-SPE bħala parti mill-programm REFIT (6).

2.2

Il-Kummissjoni tat lill-partijiet interessati l-opportunità li jesprimu fehmiethom f'konsultazzjoni publika ġenerali dwar il-ġejjieni tal-liġi dwar il-kumpaniji (Frar 2012) u konsultazzjoni onlajn dwar il-kumpaniji b'membru uniku (Ġunju 2013). Fit-13 ta' Settembru 2013 saret laqgħa bejn id-DĠ Suq Intern u Servizzi u r-rappreżentanti tan-negozji sabiex jiddiskutu l-inizjattiva proposta tal-Kummissjoni. Skont il-Kummissjoni, id-diskussjoni inkludiet fost oħrajn il-BUSINESSEUROPE, il-European Small Business Alliance, il-kmamar tal-industrija u l-kummerċ u l-Eurochambers. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema ma ġewx mistiedna u lanqas ma saru diskussjonijiet simili mat-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur.

2.3

Fid-9 ta' April 2014, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Proposta tagħha għal Direttiva dwar kumpaniji privati b'responsabbiltà limitata b'membru uniku (SUP) deskritta speċifikament bħala approċċ alternattiv għall-kumpanija privata Ewropea. L-għan tagħha huwa li tagħmilha iktar faċli għall-SMEs li jistabbilixxu kumpaniji barra minn pajjiżhom.

2.4

Fis-sistemi legali tagħhom l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal forom nazzjonali tal-liġi dwar il-kumpaniji li jippermettu l-istess regoli fl-Istati Membri kollha u li jkollhom taqsira unika fl-UE kollha – SUP (Societas Unius Personae). L-għan espliċitu tal-proposta huwa li tnaqqas l-ispejjeż tat-twaqqif u tat-tħaddim. Hija tipprevedi reġistrazzjoni semplifikata onlajn u telimina kważi għalkollox il-kapital legali minimu għall-istabbiliment. Skont il-Proposta l-kredituri jkunu mħarsa mil-obbligu tad-direttur(i) li jikkontrollaw id-distribuzzjonijiet.

2.5

L-Istati Membri ma jibqgħux jitolbu li l-uffiċċju reġistrat ta' SUP u l-kwartieri ġenerali amministrattivi jkunu fl-istess Stat Membru. Din hija l-ewwel darba li forma ta' kumpanija Ewropea tagħti lok għal separazzjoni bħal din. Is-SUP tkun soġġetta għal-ligi tal-Istat Membru fejn tkun reġistrata. Il-Proposta tal-Kummissjoni bl-ebda mod ma ssemmi d-drittijiet tal-parteċipazzjoni tal-impjegati.

2.6

Il-Kummissjoni tgħid li l-Proposta ma tistabbilixxix ''forma ġuridika supranazzjonali ġdida għal kumpanija b'membru uniku iżda minflok tikkontribwixxi għall-abolizzjoni progressiva ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment''. Hija bbażata għalhekk fuq l-Artikolu 50(2)(f) tat-TFUE.

3.   Sejbiet preliminari

3.1

L-esperjenzi fl-Istati Membri individwali juru li f'xi setturi tkun iktar attraenti għal negozji individwali li jikkummissjonaw kumpanija pubblika indipendenti b'responsabbiltà limitata personali (Jien plc) milli jiġi impjegat xi ħadd. B'dal-mod sikwit jiġu evitati ftehimiet kollettivi nazzjonali. Hija u tiffaċilita t-twaqqif ta' SUP, filwaqt li tillimita r-responsabbiltà mingħajr ir-rekwiżit ta' investiment kapitali u tippermetti s-separazzjoni tal-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija u l-kwartieri ġenerali amministrattivi, il-Proposta għal Direttiva taqdi l-impjieg indipendenti fittizju. Barra minn hekk, dan jolqot b'mod partikolari lil dawk li jokkupaw pożizzjoni dgħajfa fis-suq tax-xogħol u li għalihom il-protezzjoni li joffru l-liġi tax-xogħol u l-ftehimiet ta' negozjar kollettiv hija importanti ħafna.

3.2

Il-KESE jirrikonoxxi li l-maġġoranza tan-negozji u tal-ħaddiema fl-UE jimxu mas-sistema legali li tapplika għalihom. Madankollu, fid-dawl tal-għamla tas-SUP, il-KESE jemmen li l-istruttura proposta tippreżenta riskju sinifikanti ta' żieda kbira fil-frodi kummerċjali, attivitajiet kriminali oħra (pereżempju l-ħasil tal-flus) jew xogħol indipendenti fittizju. B'hekk l-individwi jistgħu pereżempju jagħżlu jew jitrasferixxu l-uffiċċju reġistrat ''virtwali'' u jaħbu l-identità tagħhom permezz ta' struttura ta' kumpaniji relatati mifruxa fl-Ewropa kollha. L-abbozz ta' Direttiva jikkontradixxi għalhekk l-isforzi tal-UE kontra l-ħasil tal-flus.

3.3

Jeżistu dubji serji dwar kemm il-passi pożittivi tal-Kummissjoni sabiex tippromovi l-attivitajiet transkonfinali tal-SMEs ser ikollhom suċċess b'dan l-abbozz ta' Direttiva. Il-KESE jqis li fin-negozjati dwar il-kumpanija privata Ewropea, xi Stati Membri diġà talbu kapital minimu sostanzjali, li l-uffiċċju reġistrat u l-kwartieri ġenerali amministrattivi jkunu identiċi u li jkun hemm standards komuni tal-parteċipazzjoni tal-impjegati. Il-KESE jemmen li bl-ebda mod m'huwa utli li dan l-abbozz ta' Direttiva jinjora t-talbiet leġittimi ta' dawn l-Istati Membri.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Bażi ġuridika u kamp ta' applikazzjoni

4.1.1

L-għan tal-Kummissjoni huwa li tintroduċi l-kumpanija privata Ewropea permezz tal-Proposta ġdida għal Direttiva dwar kumpaniji privati b'responsabbiltà limitata b'membru uniku. Id-dettalji regolatorji tal-forma legali l-ġdida tas-SUP huma identiċi għal dawk previsti għall-kumpanija privata Ewropea. Is-SUP m'għandux ikollha biss isem Ewropew uniku, iżda għandu jkollha l-karatteristiċi essenzjali tas-SUP (stabbiliment, kapital minimu, uffiċċju reġistrat, statut) stipulati b'mod vinkolanti mil-liġi sovranazzjonali. F'termini materjali, is-SUP għandha tkun deskritta bħala forma legali sovranazzjonali biex il-bażi legali applikabbli tkun l-Artikolu 352 tat-TFUE.

4.1.2

Ma jfissirx li għax fil-qafas tal-proposta tas-SUP hemm 28 SUP differenti, teżisti forma legali nazzjonali. Anke l-Kumpanija Ewropea għandha 28 forma differenti iżda n-natura sovranazzjonali tagħha mhix iddubitata. Għalhekk għandu jkun hemm dubji serji dwar jekk l-għażla tal-Kummissjoni li tuża l-Artikolu 50 tat-TFUE bħala bażi legali għall-Proposta kinitx tajba.

4.1.3

Il-Proposta tal-Kummissjoni lanqas ma hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà ankrat fit-Trattat tal-UE għax għall-kuntrarju tal-Kumpanija Ewropea jew l-SCE ma tistipulax rekwiżiti transkonfinali u għalhekk mhix magħmula għal ċirkustanzi transkonfinali biss iżda anki għal ċirkustanzi purament nazzjonali. Dan ifisser li anki dawk li beħsiebhom imexxu n-negozji tagħhom fis-suq domestiku biss jistgħu jistabbilixxu SUP ex nihilo. Id-Direttiva tippermetti wkoll il-konverżjoni ta' forma legali nazzjonali f'SUP mingħajr konnessjoni transkonfinali. Il-liġi Komunitarja għalhekk qiegħda toħloq forma nazzjonali ġdida ta' kumpanija li tinsab f'kompetizzjoni diretta mal-forom legali nazzjonali eżistenti. Irrispettivament mill-inkonsistenza mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Artikolu 50(2)(f) tat-TFUE jistipula r-rekwiżit għal siti f'diversi Stati Membri. Għal din ir-raġuni l-KESE jitlob li l-SUP tiġi limitata għal kumpaniji b'attivitajiet transkonfinali, li meta jkunu qed jirreġistraw ikunu attivi mill-inqas f'żewġ Stati Membri jew jistgħu juru b'mod sodisfaċenti li f'perjodu stabbilit (pereżempju sentejn) wara li jkunu rreġistraw ser ikunu attivi f'mill-inqas żewġ Stati Membri. Il-Proposta għal Regolament dwar l-Istatut għal Fondazzjoni Ewropea (FE) (7) u r-rapport interim relatat tal-Parlament Ewropew jistgħu jservu bħala eżempju.

4.1.4

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Proposta għal Direttiva għandha tiffaċilita l-attivitajiet transkonfinali tal-SMEs u l-istabbiliment ta' sussidjarji fi Stati Membri oħra. Madankollu, il-Kummissjoni ma rnexxiliex tiżgura l-promozzjoni tal-SMEs billi tillimita l-kamp ta' applikazzjoni. Sabiex jiġi żgurat l-appoġġ tal-SMEs fil-qafas tal-Proposta għal Direttiva jeħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva jiġi limitat għall-SMEs. F'dan ir-rigward id-Direttiva 2013/34/UE (Direttiva dwar il-Kontabilità) (8) tintuża bħala kriterju ta' delimitazzjoni. Dan japplika għall-kumpaniji kollha u jintuża madwar l-Unjoni kollha. Huma biss il-kumpaniji li jissodisfaw il-kriterju kwantitattiv tal-Artikolu 3(2) (9) tad-Direttiva 2013/34/UE (10) li għandhom ikunu jistgħu joperaw fil-qafas tas-SUP. Dan ikun ifisser li meta SUP tilħaq ċertu daqs, il-kumpanija jkollha tinbidel f'forma legali oħra. Minħabba l-obbligu ta' żvelar, ir-rispett tal-kriterji jista' jiġi ċċekkjat u kkontrollat b'mod faċli.

4.2   L-istabbiliment onlajn ta' kumpaniji u r-rekwiżit kapitali minimu

4.2.1

Il-proċedura obbligatorja ta' reġistrazzjoni elettronika prevista mill-Kummissjoni tista' tikkontribwixxi wkoll għan-nuqqas ta' trasparenza tas-SUP jekk ma jkunx hemm rekwiżit li tiġi vverifikata l-identità tal-fundatur tal-kumpanija. Madanakollu, għall-fundatur ta' kumpanija, il-konsultazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-bidu ta' negozju huma importanti ħafna wkoll. Diffiċli tiġi verifikata l-identità ta' persuna elettronikament. Ir-reġistrazzjoni elettronika mingħajr verifika tal-identità tfixkel ukoll l-isforzi tal-Kummissjoni kontra l-ħasil tal-flus.

4.2.2

Il-KESE jemmen li, fl-interess tal-SMEs, huwa importanti li tiġi stabbilita skeda adegwata ta' żmien għat-twaqqif ta' SUP. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħżlu jekk jixtiqux jipprevedu reġistrazzjoni elettronika ta' SUP. F'dan il-każ madanakollu, il-proċedura ta' reġistrazzjoni elettronika ta' SUP għandha tinkludi valutazzjoni preliminari. B'hekk l-awtoritajiet rilevanti u/jew in-nutari, ikunu jistgħu jivverifikaw b'mod partikolari l-identità tal-fundatur ta' kumpanija u jinfurmawhom dwar konsegwenzi legali importanti.

4.2.3

L-eliminazzjoni tar-rekwiżit kapitali minimu flimkien maż-żamma tar-responsabbiltà limitata tal-azzjonist tagħti l-impressjoni lill-fundaturi ta' kumpanija li r-riskju kummerċjali jinġarr mill-pubbliku. Dan huwa sinjal falz u jikkontradixxi kompletament il-prinċipji ta' suq ħieles. Il-kapital minimu huwa importanti ħafna wkoll bħala livell ta' kredibbiltà għax jindika lill-fundatur ta' kumpanija li hemm bżonn ta' kontribut sostanzjali ta' riskju sabiex tinkiseb ir-responsabbiltà limitata u b'hekk l-opportunitajiet u r-riskji ta' proġett għandhom jintiżnu b'kawtela. Kapital minimu sostanzjali u adattat għall-għan kummerċjali għaldaqstant huwa element essenzjali ta' kwalunkwe kumpanija. Fondi ta' riserva obbligatorji jikkostitwixxu miżura adatta għat-tisħiħ tal-kapital bil-għan li tiġi prevenuta l-insolvenza.

4.2.4

Il-KESE jemmen li dikjarazzjoni ta' solvenza mid-direttur ma tisostitwixxix kapital minimu sostanzjali u rekwiżiti assoċjati tal-manteniment tal-kapital, speċjalment peress li d-dikjarazzjoni ta' solvenza fi kwalunkwe każ hija mimlija b'inċertezza u r-riskju ta' tbassir inkorrett jiġġarrab mill-kreditur. Id-dikjarazzjoni ta' solvenza għandha tiġi ffirmata minn awditur estern indipendenti.

4.3   L-uffiċċju reġistrat

4.3.1

Is-separazzjoni tal-uffiċċju reġistrat u l-kwartieri ġenerali amministrattivi tfisser li s-SUPs jistgħu faċilment jevadu kwalunkwe sistemi legali li joperaw taħthom. Diversi eżempji juru li dan jhedded il-ħarsien tal-kreditur u l-konsumatur iżda anki l-parteċipazzjoni tal-impjegati li tista' faċilment tiġi evitata b'dan il-mod. Għażla kompletament libera tal-uffiċċju reġistrat mingħajr kwalunkwe rabta mal-attività lokali żżid ukoll ir-riskju tal-abbuż għax huwa iktar faċli li jiġu evitati l-entitajiet uffiċjali. Id-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati ta' Stat Membru fejn SUP twettaq l-attivitajiet kummerċjali prinċipali tagħha u m'għandhomx jiġu evitati permezz tal-għażla li uffiċċju jiġi reġistrat fi Stat Membru ieħor. Lanqas ma jeżisti reġistru kummerċjali komuni Ewropew. Huwa importanti ħafna għalhekk li titjieb din is-sitwazzjoni qabel ma tkompli titqies iktar liberalizzazzjoni.

4.3.2

Is-separazzjoni bejn l-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija u l-amministrazzjoni ċentrali tagħha tikkumplika wkoll it-tressiq tal-ilmenti billi l-ilment jista' jkun li jrid isir għand l-uffiċċju reġistrat jew billi intitolament legali jrid jiġi infurzat fil-pajjiż tar-reġistrazzjoni. L-esperjenza fil-passat uriet li n-notifika internazzjonali tad-dokumenti hija problematika minkejja r-regoli Ewropej li jeżistu (ir-Regolament dwar in-notifika tad-dokumenti, ir-Regolament dwar l-Ordni Ewropew ta' Infurzar) li jfisser li jieħu iktar ħin u huwa iktar diffiċli li jitressqu lmenti quddiem il-qrati u jiġu infurzati. Għalhekk, id-Direttiva żgur li għandha tirrikjedi li l-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija jkun l-istess bħall-amministrazzjoni ċentrali tagħha, b'konformità mal-liġi Ewropea tal-Kumpaniji Ewropej u s-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej (SCE).

4.4   Parteċipazzjoni u governanza korporattiva

4.4.1

Skont id-daqs tan-negozju, forma legali bl-istess isem u karatteristiċi fl-Ewropa kollha għandha ssegwi l-istandards minimi komuni tal-UE fir-rigward tat-twaqqif ta' korp superviżorju u l-parteċipazzjoni tal-impjegati. Għandhom jiġu stabbiliti għalhekk regoli komuni fir-rigward tal-bżonn li jitwaqqaf korp superviżorju (bord superviżorju jew diretturi mhux eżekuttivi) u l-parteċipazzjoni tal-impjegati (f'każ ta' konverżjoni simili għar-regolament tas-SE) fis-SUP. Jekk dan ma jsirx, il-Proposta għal Direttiva ser iżżid ħafna l-“forum shopping”, u tiġġenera b'hekk kompetizzjoni li ddgħajjef u teqred l-istandards nazzjonali tal-liġi tal-kumpanija u li twassal għall-evitar tar-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni tal-impjegati. Il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-korp superviżorju hija element prinċipali tal-mudell soċjali Ewropew u tal-governanza korporattiva Ewropea u għandha titħares mill-mekkaniżmi maħsuba biex jevitawha. Għall-finijiet ta' ''ċarezza tal-kumpanija'', l-isem tas-SUP għandu jinkludi referenza għal-limitazzjoni tar-responsabbiltà kif ukoll il-pajjiż tar-reġistrazzjoni.

Brussell, 10 ta' Settembru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2014) 212 final.

(2)  Tnejn minn dawn it-tliet karatteristiċi li ġejjin ma jaqbżux il-limitu fil-karta tal-bilanċ: assi totali: EUR 4 0 00  000; introjtu nett: EUR 8 0 00  000; numru medju ta' impjegati matul is-sena finanzjarja: 50.

(3)  ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.

(4)  COM(2012) 35 final.

(5)  COM(2008) 396 final.

(6)  Ara l-Anness ta' COM(2013) 685 final.

(7)  Ara n-nota 4 f'qiegħ il-paġna.

(8)  Ara n-nota 3 f'qiegħ il-paġna.

(9)  Tnejn minn dawn it-tliet karatteristiċi li ġejjin ma jaqbżux il-limitu fil-karta tal-bilanċ: assi totali: EUR 4 0 00  000; introjtu nett: EUR 8 0 00  000; numru medju ta' ħaddiema matul is-sena finanzjarja: 50.

(10)  Ara n-nota 3 f'qiegħ il-paġna.


19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 458/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward tagħmir li juża l-gass”

COM(2014) 258 final – 2014/0136 (COD)

(2014/C 458/05)

Relatur:

is-Sur Coulon

Nhar it-22 ta' Mejju 2014 u nhar it-3 ta' Lulju 2014, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward tagħmir li juża l-gass

COM(2014) 258 final – 2014/0136 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Lulju 2014.

Matul il-501 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u 11 ta' Settembru 2014 (seduta tal-10 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'142 vot favur, vot wieħed kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Din il-Proposta tirrifletti l-approċċ tal-Kummissjoni li tagħti impetu ġdid lill-promozzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija.

1.2

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-għażla leġislattiva ta' regolament, liema għażla tagħti qawwa partikolari lil din il-kwistjoni li tolqot parti kbira miċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej.

1.3

Il-KESE jisħaq bil-qawwa fuq ir-rigorożità f'dak li jirrigwarda s-sigurtà tal-persuni, l-annimali, il-beni tul il-katina kollha tat-tfassil, il-produzzjoni, id-distribuzzjoni, l-istallazzjoni u l-użu tal-materjal ikkonċernat.

1.4

Bl-istess mod, il-KESE jesiġi viġilanza assoluta f'dak li jirrigwarda t-tentattivi ta' falsifikazzjoni, l-iżjed għal tagħmir prodott barra mill-Unjoni.

1.5

L-iskema tas-sanzjonijiet għandha tiġi applikata b'mod strett, u n-natura u l-limitu minimu ta' dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu preċiżi.

1.6

Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni ssegwi b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar is-sitwazzjoni tal-provvista tal-gass tal-Istati Membri. Dan is-segwitu jitlob koordinazzjoni għaqlija bejn id-direttorati ġenerali differenti.

2.   Il-Proposta għal Regolament: il-konsegwenzi u l-punti ta' riflessjoni

2.1

Id-Direttiva 2009/142/KE kkodifikat id-Direttiva 90/396/KEE dwar tagħmir li juża l-gass. Hija kienet fost l-ewwel direttivi ta' armonizzazzjoni abbażi tal-prinċipji tal-“approċċ il-ġdid”.

2.2

Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposta tista' tiggarantixxi li l-konsumaturi jafdaw fil-kwalità tal-prodotti preżenti fis-suq u l-importanza li tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq.

2.3

L-esperjenza miksuba xeħtet dawl fuq il-bżonn li wħud mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva jiġu aġġornati u ċċarati, mingħajr ma jinbidel il-kamp ta' applikazzjoni tagħha: id-definizzjonijiet speċifiċi għas-settur, il-kontenut u l-forma tal-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri dwar is-sitwazzjoni tal-provvista ta' gass tagħhom u r-rabtiet mal-atti leġislattivi oħra ta' armonizzazzjoni fil-livell tal-UE li huma applikabbli għat-tagħmir li juża l-gass. Naturalment, il-Proposta għal Regolament hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat.

2.4

Il-KESE jappoġġja li d-direttiva li hija fis-seħħ bħalissa tkun sostitwita minn regolament li jaġġorna u jiċċara wħud mid-dispożizzjonijiet, jiggrantixxi implimentazzjoni uniformi tal-leġislazzjoni proposta fl-Unjoni kollha u jtemm it-trattament differenti tal-operaturi ekonomiċi fl-Unjoni.

2.5

Min-naħa l-oħra, l-esiġenzi essenzjali obbligatorji u l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità li għandhom isegwu l-manifatturi għandhom ikunu identiċi fl-Istati Membri kollha.

2.6

L-għan tar-Regolament huwa li jallinja d-Direttiva 2009/142/KE mad-Deċiżjoni 768/2008/KE dwar il-“qafas leġislattiv ġdid” u l-pakkett leġislattiv dwar il-prodotti (ta' spiss imsejjaħ “il-pakkett Verheugen”) adottat fl-2008. Huwa jqis ukoll ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 u l-Proposta għal Regolament adottat mill-Kummissjoni fit-13 ta' Frar 2013 dwar is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti bil-għan li jistabbilixxi strument legali wieħed dwar l-attivitajiet marbutin mas-sorveljanza tas-suq fil-qasam ta' prodotti mhux tal-ikel.

2.7

Huma previsti:

it-tneħħija tal-limitu ta' temperatura ta' 105 oC;

l-introduzzjoni ta' definizzjonijiet li bħalissa huma neqsin mid-Direttiva 2009/142/KE, kif ukoll kontenut u forma armonizzati għall-Istati Membri kollha;

Din il-proposta ser ikollha l-għan li ssaħħaħ il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej.

2.8

It-titjib tal-leġġibbiltà rigward il-provvista tal-gass fl-Istati Membri.

2.8.1

Ta' min isemmi li sal-lum il-ġurnata, l-informazzjoni ppubblikata mhijiex biżżejjed. Il-proposta tiddefinixxi l-parametri li għandhom ikunu inklużi fil-komunikazzjonijiet, sabiex tkun żgurata aħjar il-kompatibbiltà tat-tagħmir mal-kundizzjonijiet tal-provvista tal-gass fl-Istati Membri u tipprevedi formola armonizzata għal dawn il-komunikazzjonijiet. Il-KESE huwa tal-fehma li din il-kwistjoni hija fundamentali, kemm biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-gass għall-konsumaturi, kif ukoll bil-għan li jiġu ddiversifikati s-sorsi tal-provvista fl-Istati Membri. Din il-kwistjoni titlob koordinazzjoni għaqlija bejn id-direttorati ġenerali differenti (Intrapriża, Enerġija, eċċ.).

2.9

Tqegħid fis-suq ta’ tagħmir u fittings, obbligi ta’ operaturi ekonomiċi, tikketti CE, moviment liberu:

B'konformità mad-deċiżjoni dwar il-qafas leġislattiv ġdid, il-proposta tħaddan l-atti leġislattivi tipiċi ta’ armonizzazzjoni tal-UE dwar il-prodotti u tistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi relevanti (manifatturi, rappreżentanti awtorizzati, importaturi, distributuri, eċċ.).

Hija żżomm id-dispożizzjoni li skontha t-tagħmir ma jkollhomx il-marka CE. Madankollu, iċ-ċertifikat li jakkumpanja l-fittings ġie kkwalifikat bħala “Ċertifikat ta’ konformità tal-fitting”, li jagħmel possibbli definizzjoni iżjed eżawrjenti u preċiża tal-kontenut tiegħu.

2.10

Armonizzazzjoni, notifika, konformità

2.10.1

Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jistabbilixxi qafas legali orizzontali għall-istandardizzazzjoni. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/142/KE li jkopru l-istess aspetti ma reġgħux iddaħħlu fil-proposta għal raġunijiet ta’ ċertezza legali. Il-proposta, b'konformità mal-qafas leġislattiv ġdid, issaħħaħ il-kriterji ta’ notifika għall-korpi notifikati u tintroduċi rekwiżiti speċifiċi għall-awtoritajiet li jinnotifikaw. Il-proċeduri rigward il-valutazzjoni tal-konformità baqgħu l-istess. Ma ninsewx li l-konformità timplika responsabbiltà. B'hekk, jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni tal-interessi pubbliċi (sigurtà, użu razzjonali tal-enerġija, protezzjoni tal-konsumaturi, eċċ.).

2.11

Rigward l-obbligi tal-manifatturi, il-KESE jitlob:

l-obbligu, u mhux sempliċement il-possibbiltà, li jinżamm reġistru ta’ lmenti dwar it-tagħmir u dwar każijiet meta jissejjaħ lura tali tagħmir;

il-proċeduri bil-għan li jivverifikaw l-użu razzjonali tal-enerġija. It-tagħmir inkwistjoni għandu jsegwi l-politika dwar il-konservazzjoni tal-enerġija u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li l-KESE ntrabat li jirrispetta bis-sħiħ.

2.12

Ir-regolament propost ser isir applikabbli sentejn wara li jidħol fis-seħħ biex ikun hemm biżżejjed żmien biex il-manifatturi, il-korpi notifikati, l-Istati Membri u l-Korpi Ewropej ta’ Standardizzazzjoni jadattaw għall-adozzjoni ta' dawn ir-regoli l-ġodda.

Brussell, 10 ta' Settembru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 458/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li jikkonċerna l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju”

COM(2014) 357 final

u dwar

“L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun Adrijatiku u Jonju: riċerka, żvilupp u innovazzjoni fl-SMEs”

(opinjoni esploratorja tal-Presidenza Taljana tal-UE)

(2014/C 458/06)

Relatur:

is-Sur Palmieri

Nhar l-14 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li jikkonċerna l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju

COM(2014) 357 final.

Nhar it-3 ta' Ġunju 2014, il-Presidenza Taljana talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar:

L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun Adrijatiku u Jonju: riċerka, żvilupp u innovazzjoni fl-SMEs

Nhar il-25 ta' Frar 2014 u t-8 ta' Lulju 2014, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul il-501 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Settembru 2014 (seduta tal-11 ta' Settembru), li jaħtar lis-Sur Palmieri bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b'163 vot favur, 5 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa favur l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Adrijatiku u tal-Jonju – EUSAIR (1) peress li jqis li hija strument għall-promozzjoni u s-sostenn tal-kompetittività u ż-żieda fl-impjieg li jiggarantixxu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tar-reġjun.

1.2

Il-KESE jenfasizza li r-reġjun Adrijatiku u Joniku huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta' diversità kulturali, soċjali u ekonomika li tagħmel l-implimentazzjoni tal-EUSAIR partikolarment kumplessa. Għal din ir-raġuni huwa importanti li tiġi stabbilita governanza f'diversi livelli sabiex jiġu integrati b'mod effettiv “id-dimensjoni vertikali” (parteċipazzjoni mill-gvernijiet ċentrali, reġjuni u entitajiet lokali) u “d-dimensjoni orizzontali” (parteċipazzjoni mis-soċjetà ċivili). F'dan il-kuntest, il-KESE jemmen li għandha titqies il-possibbiltà li jitwaqqaf forum permanenti.

1.3

Il-KESE jqis li l-indirizz ċar tal-EUSAIR lejn iż-żona tal-Balkani u d-Danubju jrid jiżdied miegħu sforz daqstant ieħor importanti lejn żoni oħra tal-Mediterran speċjalment peress li fl-istrateġija qed jipparteċipaw reġjuni li jinsabu wkoll fuq il-Baħar Tirren u dak tal-Eġew. Dan iżid il-valur strateġiku u l-firxa tal-opportunitajiet ta' żvilupp.

1.4

Il-KESE jqis li huwa fundamentali li flimkien mal-EUSAIR ikun hemm żewġ strateġiji oħra li jkopru l-Mediterran tal-Lvant u dak tal-Punent. B'dan il-mod, permezz tal-integrazzjoni tat- tliet strateġiji, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-baċir kollu tal-Mediterran ikun jista' jiġi assigurat.

1.5

Il-KESE japprezza l-appoġġ qawwi politiku li għandha l-EUSAIR u jqis li dan huwa fundamentali biex l-Istrateġija Ewropa 2020, il-politika Ewropea tat-tkabbir u l-istrateġija ta' żvilupp reġjonali jiġu integrati b'mod effikaċi.

1.6

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li l-proċess ta' parteċipazzjoni li seħħ fil-fażi tal-programmazzjoni u tħejjija tal-EUSAIR ma żviluppax b'mod omoġenju fir-reġuni kollha involuti. Jistgħu jiġu indikati problemi speċifiċi fil-pajjiżi Balkani speċjalment fil-parteċipazzjoni u l-involviment tal-SMEs, it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi soċjali.

1.7

Il-KESE jqis li fil-fażijiet differenti ta' implimentazzjoni tal-EUSAIR, għandha tingħata għajnuna adegwata lill-operaturi ekonomiċi pubbliċi u privati, 'l-imsieħba soċjali u 'l-komponenti differenti tas-soċjetà ċivili organizzata permezz ta' programmi ta' taħriġ ad hoc u ta' appoġġ tekniku u organizzattiv li jakkumpanjawhom.

1.8

Il-KESE jaqbel li l-EUSAIR u “l-Istrateġija Marittima għall-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju” jaħdmu b'mod kumplimentari. Dawn l-istrateġiji ġew integrati b'mod effikaċi mal-prijoritajiet u l-opportunitajiet ta' żvilupp immirati għaż-żoni interni. Dawn is-sinerġiji għandhom jiġu appoġġjati aktar peress li jżidu l-valur tal-assistenza għall-kompetittività tal-SMIs, il-ħarsien ambjentali u l-benesseri taċ-ċittadini.

1.9

Il-KESE josserva li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-EUSAIR għandha bżonn attenzjoni akbar l-aktar b'riferiment għall-attività tal-bini tal-kapaċità u l-governanza. Huwa essenzjali li l-koordinazzjoni bejn il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u l-fondi eżistenti jittejjbu.

1.10

Il-KESE jagħraf li l-attività żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea waqt il-fażi ta' tħejjija u fil-preżentazzjoni tal-EUSAIR kienet utli u jqis li l-parteċipazzjoni tiegħu hija meħtieġa biex jappoġġja wkoll il-fażi ta' implimentazzjoni tal-istrateġija, fir-rispett sħiħ tar-rwoli istituzzjonali mogħtija lill-Istati parteċipanti.

1.11

Minkejja li l-KESE jqis l-istruttura u l-għanijiet tal-EUSAIR huma adegwati biex jassistu lill-imsieba tar-reġjun waqt li jiffaċċjaw l-isfidi li jistgħu jiġu trattati b'mod effikaċi bil-mezzi tas-soltu, jidhirlu li hemm bżonn li dawn jiġu aġġornati u msaħħa.

1.12

Huwa essenzjali li jiġi appoġġjat b'mod aktar speċifiku is-sostenn li jingħata lill-SMEs, speċjalment rigward il-problema tal-aċċess għall-kreditu, l-iżvilupp ta' metodoloġija li tiffaċilita l-kumplimentarjetà u s-sinerġiji bejn il-programmi differenti ta' finanzjament u l-promozzjoni tal-iżvilupp ta' miżuri li jindirizzaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-kwistjonijiet tal-ġeneru, tal-persuni diversament abbli u l-immigranti li jkunu integrati b'mod trasversali fl-erba' pilastri.

1.13

Għandhom jiġu promossi miżuri speċifiċi fil-qafas tat-“Tkabbir Blu” li huma aktar indirizzati li jassistu l-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda ekonomiċi u l-ħolqien ta' postijiet ġodda tax-xogħol.

1.14

B'riferiment għall-pilastru “Nikkollegaw ir-reġjun” hemm bżonn li jingħataw aktar appoġġ il-kwistjonijiet marbutin mas-sikurezza tat-traffiku marittimu, il-konnessjoni taż-żoni marittimi u tal-kosta ma' dawk interni, it-tisħiħ tal-potenzjal u l-interkonnessjoni tan-netwerks enerġetiċi.

1.15

Fir-rigward tal-“Kwalità tal-Ambjent”, il-miżuri għandhom jipprevedu rabtiet akbar bejn “ambiti” (tal-baħar u tal-art) u bejn “għanijiet” (ħarsien tal-fawna, is-saħħa u s-sigurtà tal-persuni).

1.16

Fir-rigward tat-“Turiżmu sostenibbli” huwa essenzjali li jiġu appoġġjati azzjonijiet li jsaħħu d-dimensjoni turistika tal-“kapitali territorjali” li hemm fir-reġjun (patrimonju naturali, kulturali u artistiku).

1.17

Il-KESE jqis li, fi ħdan l-EUSAIR, l-opportunitajiet għall-SMEs li jirriżultaw mill-attività ta' riċerka u innovazzjoni m'humiex biżżejjed biex jiggarantixxu r-rilanċ tal-kompetittività u l-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol fiż-żona. Għal din ir-raġuni jqis li hemm bżonn ta' miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għall-kreditu għall-SMEs, jiġbdu l-investiment privat, jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni fil-programmi ta' finanzjament tal-UE u l-kollaborazzjoni ma' ċentri ta' riċerka u universitajiet.

1.17.1

Biex jissaħħu l-opportunitajiet li joffru l-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni, il-KESE jqis li għandhom jiġu promossi dawn il-prijoritajiet:

it-twaqqif ta' pjattaforma transnazzjonali tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni bil-parteċipazzjoni konġunta u attiva tal-SMEs, l-universitajiet, iċ-ċentri ta' riċerka, l-inkubaturi teknoloġiċi u tan-negozji, fil-proċess ta' tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs permezz tat-trasformazzjoni ta' ideat innovattivi fi “prodotti” lesti għas-suq;

l-iżvilupp ta' analiżi dwar l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti fil-livell transnazzjonali għall-identifikazzjoni tal-kapaċitajiet ta' innovazzjoni u ta' negozju;

il-promozzjoni ta' parteċipazzjoni akbar tas-sistema intraprenditorjali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fit-tfassil tal-politiki tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

it-twaqqif ta' “Adriatic and Ionian matchmaking platform” li tiffavorixxi l-aċċess tal-SMEs u l-intraprendituri żgħażagħ għall-finanzjament għall-innovazzjoni.

1.18

Il-KESE jikkritika l-fatt li l-EUSAIR ma tipprevedix azzjonijiet speċifiċi li jsaħħu “d-dimensjoni soċjali” fir-reġjun. Għandhom jiddaħħlu prijoritajiet li jappoġġjaw l-inklużjoni tal-persuni bi bżonnijiet speċjali, jevitaw id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-oriġini razzjali jew etnika, l-età, l-orjentazzjoni sesswali u l-ġeneru, filwaqt li jindirizzaw il-problemi soċjali li jirriżultaw mill-flussi ta' migranti irregolari li jirrigwardaw l-aktar in-nofsinhar tar-reġjun.

1.18.1

B'koerenza ma' dak li proponiet il-Kummissjoni, il-KESE jqis li l-integrazzjoni u t-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali fl-EUSAIR għandhom isseħħu permezz tal-promozzjoni tal-investimenti soċjali u l-modernizzazzjoni adegwata tas-sistemi ta' ħarsien soċjali b'mod li

jiġi garantit li s-sistemi ta' ħarsien soċjali jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni fil-mumenti kritiċi ta' ħajjithom;

ikun hemm sistemi ta' ħarsien soċjali adegwati u sostenibbli;

jiġu perfezzjonati l-istrateġiji ta' inklużjoni attivi.

1.19

Il-KESE jqis li għandhom jiġu identifikati indikaturi ad hoc li jippermettu l-monitoraġġ, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-programmi u l-azzjonijiet fl-ambitu tal-EUSAIR.

2.   L-Istrateġija tal-UE għar-reġjun Adrijatiku u Joniku: kummenti ġenerali

2.1

L-għan ta' din l-opinjoni huwa li tiġi valutata l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR), u l-pjan ta' azzjoni relatat mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili organizzata. L-opinjoni hija ispirata u tiżviluppa fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-awdizzjoni li saret fis-27 ta' Mejju 2014 f'Palermo (2), u l-opinjonijiet l-oħra adottati mill-KESE (3).

2.2

L-implimentazzjoni tal-EUSAIR qed isseħħ f'kuntest storiku mmarkat mill-effetti negattivi tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali u minn tibdil strutturali fil-livell ekonomiku, soċjali u ambjentali li trid tittieħed azzjoni fuqhom biex jiġi assistit l-iżvilupp ekonomiku u l-benesseri taċ-ċittadini.

2.3

L-EUSAIR huwa karatterizzat minn indirizz ċar lejn iż-żoni tal-Balkani u tad-Danubju. Minkejja l-inklużjoni ta' reġjuni li jħarsu kemm lejn il-Baħar Tirren kif ukoll fuq l-Eġew, l-integrazzjoni mal-politiki tal-iżvilupp u l-koeżjoni taż-żoni l-oħra tal-Mediterran hija nieqsa. In-nuqqas ta' ħarsien effettiv lejn il-politiki tal-iżvilupp fi ħdan iż-żona Mediterranja joħloq ir-riskju ta' marġinalizzazzjoni progressiv tar-reġjun Adrijatiku-Joniku.

2.4

Il-EURSAIR m'għandhiex titqies biss bħala strument ta' appoġġ għall-proċess ta' integrazzjoni tal-pajjiżi Balkaniċi fl-UE, peress li l-valur strateġiku tagħha huwa marbut mal-possibbiltà li tinstab koerenza akbar bejn il-politika makroekonomika Ewropea, il-politika tat-tkabbir u l-istrateġija tal-iżvilupp reġjonali.

2.5

Mhux il-partijiet kollha pubbliċi, ekonomiċi u soċjali setgħu jipparteċipaw b'mod adegwat fil-proċess ta' programmazzjoni tal-EUSAIR – wieħed jista' jsemmi pereżempju l-SMEs, it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi soċjali tan-naħa tal-Balkani.

2.6

L-isfidi li jrid jiffaċċja r-reġjun Adrijatiku u Joniku fis-snin li ġejjin jeħtieġu mhux biss appoġġ qawwi politiku iżda wkoll parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' governanza u l-implimentazzjoni tal-EUSAIR, kif ukoll ta' sistema intraprenditorjali msaħħa permezz ta' miżuri mmirati li jgħinu 'l-kompetittività tal-SMEs.

2.6.1

F'dan il-kuntest għandha tingħata għajnuna adegwata lill-operaturi ekonomiċi pubbliċi u privati, 'l-imsieħba soċjali u 'l-komponenti differenti tas-soċjetà ċivili organizzata permezz ta' programmi ta' taħriġ ad hoc, appoġġ organizzattiv u assistenza teknika li jakkumpanjawhom fil-fażijiet differenti ta' implimentazzjoni tal-istrateġija.

3.   L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun Adrijatiku u Joniku: analiżi u valutazzjonijiet

3.1

Il-EUSAIR tadotta skema simili għall-istrateġija tal-Balkani (4) u dik tad-Danubju (5). Hija tiżviluppa b'mod koerenti mal-“Istrateġija marittima għall-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju” (6), filwaqt li żżid mal-kooperazzjoni marittima dik fuq l-art, u b'hekk toħloq opportunitajiet ġodda ta' żvilupp u appoġġ “tal-kompetittività u l-koeżjoni tar-reġjun”.

3.2

L-isfidi identifikati mill-EUSAIR jirreferu għad-differenzi soċjo-ekonomiċi li jikkaratterizzaw ir-reġjun, in-nuqqas ta' infrastrutturi fit-trasport, il-konġestjoni tat-traffiku navali, l-interkonnessjonijiet tan-netwerk tal-elettriku li mhumiex adegwati, in-nuqqas ta' netwerk mir-riċerka għan-negozju li jappoġġja lill-SMEs, in-nuqqas ta' sostenibbiltà tas-sajd, it-theddid għall-ambjent ikkawżat mit-tniġġis, il-ħtieġa ta' ħarsien tal-ambjent marin li huwa diversifikat ħafna, l-effetti negattivi tat-tibdil tal-klima u n-nuqqas ta' kapaċità istituzzjonali u amministrattiva.

3.3

Ir-reġjun tal-Adrijatiku u tal-Jonju huwa karatterizzat minn opportunitajiet importanti ta' żvilupp li jridu jiġu sfruttati biex jiġu faċilitati l-kompetittività u l-koeżjoni: l-ekonomija l-blu, b'mod partikolari l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli tal-prodotti tas-sajd, it-turiżmu marittimu u tal-kosta, it-teknoloġiji blu, l-enerġija rinnovabbli, il-konnessjoni art-baħar, it-trasport intermodali, il-patrimonju naturali, storiku u kulturali.

3.4

Wara li analizza l-għanijiet tal-4 pilastri prijoritarji, u ż-żewġ pilastri trasversali, il-KESE jqis li hemm bżonn li l-EUSAIR tiġi aġġornata b'żidiet speċifiċi mmirati li jittrasformaw l-istrateġija f'fattur ta' suċċess u appoġġ tal-kompetittività u l-koeżjoni fir-reġjun kollu.

3.4.1

Biex jiġi trasformat il-potenzjal marbut mal-Ekonomija l-Blu f'opportunitajiet effettivi ta' żvilupp, hemm bżonn li jiġu appoġġjati azzjonijiet li jtejbu l-aċċess għall-kreditu u għall-fondi pubbliċi tal-SMEs, jippromovu l-mobbiltà u t-taħriġ tal-forza tax-xogħol u jappoġġjaw l-attivitajiet marbutin ma' prattika sostenibbli u responsabbli tas-sajd.

3.4.2

Huwa importanti li jissaħħu l-infrastrutturi tat-trasport u l-kollegamenti bejn il-qasam marittimu u tal-kosta u ż-żoni interni kemm għall-mobbiltà tal-merkanzija kif ukoll tal-persuni.

3.4.3

Huwa essenzjali li jissaħħu l-azzjonijiet ta' ħarsien konġunt tal-ambjent marin u taż-żoni interni press li l-ħarsien tal-ekosistema marina jista' jiġi kompromess minn attivitajiet li mhumiex kompatibbli wisq mal-ambjent li jseħħu fiż-żoni interni.

3.4.3.1

Minħabba n-natura tal-ispazju tal-baħar kopert mill-EUSAIR, l-iżvilupp ta' attivitajiet ġodda ta' esplorazzjoni u ta' sfruttament ta' riżervi tal-idrokarburi għandu jiġi vvalutat bir-reqqa u kondiviż mal-Istati Membri kollha kkonċernati. Għandha ssir valutazzjoni ambjentali strateġika.

3.4.4

Hemm bżonn li titjieb l-integrazzjoni bejn it-turiżmu u l-patrimnoju naturali, kulturali u artistiku li hemm fir-reġjun Adrijatiku u Joniku, ħalli l-kapital territorjali jissarraf f'termini ta' kompetittività u ħolqien ta' postijiet tax-xogħol stabbli.

3.4.5

Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu superati l-limitazzjonijiet fil-kapaċità tal-SMEs fl-attività ta' riċerka u innovazzjoni billi tiġi appoġġjata l-kapaċità li jattiraw investiment privat.

3.4.6

Hija prijorità li fil-bini tal-kapaċità jiġu involuti mhux biss l-amministrazzjonijiet pubbliċi iżda wkoll ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Din l-inizjattiva tista' titwettaq permezz tal-implimentazzjoni ta' Forum permanenti li jirrappreżenta l-partijiet soċjali u ekonomiċi fuq l-istess linji ta' dak li jeżisti diġà għall-Universitajiet (7), il-Kmamar tal-Kummerċ (8) u l-Bliet (9).

3.4.7

Biex l-EUSAIR ikollha l-kapaċità meħtieġa li taġġorna fir-rigward tal-problemi, l-aspetti kritiċi u t-tendenzi ta' żvilupp li jiżvolġu, hemm bżonn li l-proċess ta' bini tal-kapaċità jiġi akkumpanjat minn sistema effikaċi ta' monitoraġġ li permezz tiegħu jkun possibbli li jiġu valutati l-avvanzi u l-bżonnijiet ta' adegwament tal-istrateġija fuq il-bażi ta' analiżi kwalitattiva u kwantitattiva tar-riżultati. Għalhekk huwa essenzjali li jiġu identifikati indikaturi ad hoc li jippermettu l-monitoraġġ, l-adattament u l-valutazzjoni tal-programmi u l-azzjonijiet tal-EUSAIR.

3.4.8

B'riferiment għall-komunikazzjoni “Il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali” (10), hemm bżonn li l-“governanza f'diversi livelli” tal-EUSAIR tingħata “dimensjoni orizzontali” ġenwina (parteċipazzjoni tas-Soċjetà Ċivili) li ssaħħaħ u taġġorna “d-dimensjoni vertikali” (parteċipazzjoni tar-Reġjuni u l-Awtoritajiet Lokali) fir-rispett sħiħ tal-prinċipju tas-"sussidjarjetà u l-proporzjonalità (11).

3.4.9

Fid-dawl tal-esperjenzi żviluppati fl-istrateġiji tal-Baltiku u tad-Danubju, huwa essenzjali li l-assistenza teknika tal-Kummissjoni Ewropea tingħata mhux biss fil-fażi tal-ippjanar iżda tkompli tingħata wkoll fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-istrateġija.

3.4.10

Huwa essenzjali li l-EUSAIR tingħata r-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet. Barra mill-“Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej” (12) u l-“Istrument ta' Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni 2014-2020” (13), huma importanti l-fondi u programmi tal-UE li ġejjin:

Tkabbir Blu: “il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd” (14) u “Orizzont 2020” (15);

Nikkollegaw ir-Reġjuni: “Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2014-2020” (16);

Kwalità ambjentali: “il-Programm LIFE (17)”;

Turiżmu sostenibbli: “Programm COSME” (18).

3.4.11

Jeżistu wkoll sorsi oħra ta' finanzjament, b'mod partikolari “l-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent (WIBF) (19)”, il-Bank Ewropew għall-Investimenti (EIB) (20) u istituzzjonijiet oħra finanzjarji internazzjonali. Dawn il-fondi u l-istrumenti jista' jkollhom effett ta' lieva qawwi u jiġbdu aktar fondi minn investituri privati.

3.4.12

Huwa importanti wkoll li l-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali jimplimentaw politiki li jassiguraw l-aħjar kundizzjonijiet sabiex jiġu attirati flussi ta' investiment privat, b'mod partikolari: jiżviluppaw politika adatta għal kummerċjalizzazzjoni territorjali, itejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-proċeduri amministrattivi, u jappoġġjaw l-inizjattivi dwar il-legalità, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat.

3.5

Il-KESE jaqbel mal-“Pjan ta' implimentazzjoni” iżda jqis li xi wħud mill-azzjonijiet previsti fi ħdan l-erba pilastri għandhom ikollhom appoġġ akbar u jiġu żviluppati aktar.

3.5.1

B'referenza għat-“Tkabbir Blu”, biex jiġi faċilitat il-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda ekonomiċi u l-ħolqien ta' postijiet ġodda tax-xogħol, il-KESE jqis li hemm bżonn:

jiġi faċilitat l-aċċess għall-kreditu lill-SMEs u tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-atturi fis-sistema xjentifika u fl-intrapriżi;

jiġu sfruttati l-clusters attwali permezz ta' appoġġ għall-proċessi ta' internazzjonalizzazzjoni;

jiġu definiti mudelli ta' governanza tat-territorju tal-baħar u dak tal-art għall-iżvilupp tas-sajd u l-akkwakultura sostenibbli;

jiġu msaħħa u aġġornati l-infrastrutturi tal-portijiet tas-sajd u dawk attrezzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-baħar.

3.5.2

Fir-rigward tal-pilastru “Nikkollegaw ir-reġjun”, biex jiġu faċilitati l-iżvilupp, il-kompetittività u s-sikurezza tat-traffiku marittimu, jitjiebu l-konnessjonijiet intermodali taż-żoni tal-kosta lejn in-naħa ta' ġewwa tal-art u biex jiġi żviluppat suq makroreġjonali tal-enerġija interkonness, il-KESE jqis neċessarju:

l-adattar tal-infrastrutturi portwali u interportwali tal-baċir Adrijatiku-Joniku għall-iżvilupp tas-suq, f'loġika ta' kompetittività, sostenibbiltà u sikurezza;

il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-integrazzjoni bejn it-trasport marittimu u dak tal-art, b'mod koerenti mal-kriterji tal-mobbiltà sostenibbli;

it-tisħiħ tal-intermodalità u l-interoperabbiltà tas-servizzi tat-trasport, anke bl-adattar tal-infrastrutturi strateġiċi fil-livell transnazzjonali, b'riferiment għan-netwerk Ewropea TEN-T (21);

l-isfruttar tal-potenzjal tal-ajruporti reġjonali, billi jitjieb l-aċċess għalihom u jiġu promossi l-konnessjonijiet relatati anke f'sens intermodali;

appoġġ għall-implimentazzjoni ta' “smart grids” enerġetiċi u sistemi intelliġenti ta' ħażna, kollegati mal-impjanti ta' produzzjoni minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

il-ħolqien ta' mapep tad-disponibbiltà tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli f'kull territorju biex jiġu identifikati l-potenzjali, l-interkonnessjonijiet u l-integrazzjoni bil-għan li jiġi garantit l-aħjar użu tar-riżorsi.

3.5.3

B'refernza għall-“Kwalità ambjentali” biex tiġi appoġġjata l-azzjoni mmirata għat-tnaqqis tal-pressjoni fuq l-ekosistemi marini u tal-kosta, kif ukoll il-limitazzjoni tar-riskji għas-saħħa u s-sikurezza tal-persuni, il-KESE jqis meħtieġ:

it-tisħiħ tal-impenn lejn il-ħarsien tal-bijodiversità marina u l-isperimentazzjoni tal-mudelli tas-sajd sostenibbli;

appoġġ lill-azzjoni mmirata lejn id-difiża tal-kosta, l-adattar għat-tibdil fil-klima u l-ġestjoni tar-riskji (idrawliku, idroġeoloġiku, erożjoni);

implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' ħarsien u l-iżvilupp ta' żoni naturali ta' importanza strateġika (tal-baħar, tal-kosta u tal-muntanji) u l-konnessjoni bejniethom, fosthom il-ħarsien tal-kurituri ekoloġiċi.

3.5.4

B'referenza għat-“Turiżmu sostenibbli”, biex il-patrimonju naturali, kulturali u artistiku tar-reġjun jikkontribwixxi għat-turiżmu, il-KESE jqis meħtieġ:

l-appoġġ tal-promozzjoni fit-turiżmu tal-prodotti agroalimentari, tas-sajd u tal-artiġjanat li huma l-aktar rappreżentattivi taż-żona minn fejn jiġu;

il-promozzjoni taż-żoni inqas magħrufa mit-turisti, bl-appoġġ ukoll tal-integrazzjoni bejn iż-żoni interni u t-turiżmu nawtiku u tal-kruċieri, u l-promozzjoni tar-rotot turistiċi storiċi, kulturali u reliġjużi;

l-għajnuna biex l-intrapriżi jinġiebu flimkien u jaħdmu flimkien anke fil-forma ta' sħubijiet pubbliċi-privati, biex jinħolqu proġetti ta' żvilupp turistiku;

it-tisħiħ tal-użu tat-teknoloġiji tal-ICT għal skopijiet ta' promozzjoni turistika;

il-promozzjoni ta' riċerka, taħriġ tul il-ħajja, edukazzjoni u sensibilizzazzjoni fit-turiżmu sostenibbli u responsabbli.

3.5.5

Hemm bżonn li tiġi identifikata integrazzjoni ta' riferiment li taġġorna b'mod trasversali l-erba' pilastri kollha kemm huma permezz tal-pjanifikazzjoni tal-miżuri marbutin mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, kwistjonijiet marbutin mal-ġeneru, il-persuni diversament abbli u l-immigranti. Għalhekk għandhom jitniedu miżuri li:

jiggarantixxu r-rispett għal livell dinjituż tax-xogħol, l-adattabbiltà tal-forza tax-xogħol għat-tibdil fit-teknoloġija li qed isseħħ u għat-tibdil fis-sistemi ta' produzzjoni permezz ta' proċess ta' rikwalifikazzjoni professjonali u taħriġ kontinwu li jista' juża bl-aħjar mod il-kapital uman li hemm fiż-żona;

jiggarantixxu l-integrazzjoni, ir-rispett u tisħiħ tad-dimensjoni tal-ġeneri b'mod partikolari fis-suq tax-xogħol;

jippromovu l-azzjonijiet kollha possibbli biex jiġi assigurat li l-persuni diversament abbli jgawdu kundizzjonijiet ta' ugwaljanza u ta' opportunità indaqs;

jappoġġjaw miżuri fil-qasam tal-immigrazzjoni li jisfruttaw l-aspetti li jistgħu jippromovu l-valuri pożittivi tagħha biex jgħinu t-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali fiż-żona.

4.   L-Istrateġija tal-UE għar-reġjun Adrijatiku u Joniku: kummenti speċifiċi

4.1

Minkejja li l-KESE jqis l-EUSAIR bħala strument utli biex jiffaċċja l-isfidi li jikkaratterizzaw l-ambitu reġjonali u li minħabba fil-kumplessità tagħhom ma jistgħu jiġu solvuti b'mod sodisfaċenti mill-Istati jew reġjuni individwali permezz tal-mezzi tas-soltu, jista' jinnota problemi speċifiċi taħt ir-“Riċerka, żvilupp u innovazzjoni għall-intrapriżi medji u żgħar” u taħt id-dimensjoni soċjali tal-istrateġija.

4.2

“Riċerka, żvilupp u innovazzjoni fl-intrapriżi żgħar u medji” – Minkejja l-impenn kbir fl-ambitu tal-implimentazzjoni tal-programmazzjoni 2007-2013 u l-programmazzjoni 2014-2020, l-aċċess tal-SMEs għall-opportunitajiet ta' tkabbir li jinħolqu mill-innovazzjoni ftit huma rilevanti f'termini ta' kompetittività u ħolqien ta' postijiet tax-xogħol.

4.2.1

Is-sistema ta' appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni fiż-żona Adrijatika u Jonika għadha kumplessa wisq, u dan jaqta' lill-mikrointrapriżi u dawk ta' daqs żgħir b'mod partikolari, barra mill-proġetti tal-UE. Minbarra r-rekwiżiti amministrattivi kumplikati u li jitolbu ħafna ħin, hemm ukoll differenzi sinifikanti fir-rigward tal-proċeduri bejn il-programmi fil-livelli reġjonali, nazzjonali u Ewropej.

4.2.2

Il-kawżi ta' sitwazzjoni bħal din huma dovuti prinċipalment għad-diffikultajiet fl-aċċess għall-kreditu, in-nuqqas ta' kollaborazzjoni bejn l-SMEs u l-“fornituri” tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u n-nuqqas ta' politiki ta' żvilupp adegwati biex jiġbdu l-investiment privat.

4.2.3

L-aċċess għall-fondi, speċjalment min-naħa tal-intrapriżi innovattivi ż-żgħar għadu diffiċli minħabba fin-nuqqas ta' fondi kapitali ta' riskju. Minkejja l-potenzjal kbir tas-“sejħiet għall-offerti għall-innovazzjoni”, l-użu ta' strumenti ta' implimentazzjoni, bħal pereżempju s-sejħiet għall-offerti prekummerċjali, għadu limitat wisq biex jipproduċi effetti pożittivi li jinħassu fuq l-SMEs.

4.2.4

Biex l-opportunitajiet li jirriżultaw mir-riċerka u l-innovazzjoni jiġu trasformati f'fatturi ta' kompetittività u żvilupp ekonomiku hemm bżonn li jiġi promoss it-tisħiħ ta' kultura intraprenditorjali moderna u jiġi faċilitat l-iżvilupp tal-SMEs fuq il-linji li ġew definiti mis-“Small Business Act” (22) u “L-Intraprenditorija 2020” (23).

4.2.5

B'riferiment għaż-żona interessata mill-EUSAIR wieħed jista' jikkummenta wkoll dwar il-possibbiltà ta' żvilupp riferiti fi:

is-settur pubbliku: l-innovazzjoni tista' tikkontribwixxi għal titjib fl-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, b'effetti pożittivi fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż, fuq l-ibbilanċjar tal-baġits u l-kwalità tas-servizzi li jingħataw liċ-ċittadini u l-intrapriżi;

il-qasam soċjali: l-innovazzjoni tista' tgħin lill-partijiet interessati pubbliċi u privati fl-iżvilupp ta' azzjonijiet immirati li jappoġġjaw l-intraprenditorjat u l-ekonomija soċjali.

4.2.6

Huwa essenzjali li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-SMEs u l-istituzzjonijiet tar-riċerka, żvilupp u innovazzjoni, jiġu promossi l-inizjattivi “start up” intraprenditorjali bbażati fuq it-trasferiment tar-riċerka u l-innovazzjoni, jiġu appoġġjati attivitajiet ta' taħriġ u fundraising. Huwa daqstant ieħor important li jiġi appoġġjat l-aġġornament ta' kompetenzi speċifiċi li jassistu t-trasferiment teknoloġiku lejn l-SMEs u l-isfruttament tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni.

4.2.7

B'referenza għall-limitazzjonijiet u l-problemi li jillimitaw l-aċċess tal-SMEs għall-opportunitajiet li joffru l-innovazzjoni, dawn l-azzjonijiet ġew identifikati bħala prijoritarji:

it-twaqqif ta' pjattaforma transnazzjonali tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni bil-parteċipazzjoni konġunta u attiva tal-SMEs, l-universitajiet, iċ-ċentri ta' riċerka, l-inkubaturi teknoloġiċi u tan-negozji, fil-proċess ta' tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs permezz tat-trasformazzjoni ta' ideat innovattivi fi “prodotti” lesti għas-suq;

l-iżvilupp ta' analiżi dwar l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti fil-livell transnazzjonali għall-identifikazzjoni tal-kapaċitajiet ta' innovazzjoni u ta' negozju;

il-promozzjoni ta' parteċipazzjoni akbar tas-sistema intraprenditorjali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fit-tfassil tal-politiki tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

it-twaqqif ta' “Adriatic and Ionian matchmaking platform” li tiffavorixxi l-aċċess tal-SMEs u l-intraprendituri żgħażagħ għall-finanzjament għall-innovazzjoni filwaqt li jiġu identifikati strutturi ta' koinvestiment transnazzjonali u internazzjonali u opportunitajiet ġodda ta' fundraising.

4.3

“Dimensjoni Soċjali” – il-kriżi ekonomika, barra milli kellha effetti negattivi fuq l-ekonomija reali u l-kundizzjonijiet ta' ħajja ta' miljuni ta' rġiel u nisa, ħarġet fid-dieher il-bżonn ċar ta' miżuri pubbliċi li jirreżistu r-rigress fl-iżvilupp ekonomiku u jħarsu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u l-benesseri taċ-ċittadini billi jsaħħu l-miżuri fil-qasam soċjali u l-politiki tal-welfare.

4.3.1

Il-KESE jqis li d-dimensjoni soċjali fl-EUSAIR trid tiġi appoġġjata aħjar ħalli tippermetti l-iżvilupp ta' mudell ta' tkabbir li jġib kompetittività u fl-istess waqt, l-inklużjoni u l-ħarsien soċjali tal-persuni, b'attenzjoni partikolari għal dawk li l-aktar huma vulnerabbli u żvantaġġjati.

4.3.2

L-integrazzjoni u t-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali fl-EUSAIR għandha sseħħ b'konsiderazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Investimenti soċjali għat-tkabbir u l-koeżjoni” (24), li fiha tappella lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità għolja lill-investimenti soċjali u 'l-immodernizzar tas-sistemi tagħhom ta' ħarsien soċjali permezz tal-iżvilupp ta' politiki mmirati lejn tliet linji ta' azzjoni:

jiġi garantit li s-sistemi ta' ħarsien soċjali jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni fil-mumenti kritiċi ta' ħajjithom;

semplifikazzjoni tal-politiki soċjali u ta' konċentrazzjoni fuq id-destinatarji effettivi b'mod li joffru sistemi ta' ħarsien soċjali adegwati u sostenibbli;

jiġu perfezzjonati l-istrateġiji ta' inklużjoni attivi.

4.3.3

Huwa essenzjali li jiġu appoġġjati l-azzjonijiet immirati li jappoġġjaw l-inklużjoni tal-persuni diżabbli u li jevitaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika, l-età, l-orjentazzjoni sesswali u l-ġeneru. L-aċċessibbiltà tal-infrastrutturi, it-teknoloġiji u s-servizzi għall-persuni b'diżabbiltà għandha tiġi appoġġjata b'mod ċar peress li hija rekwiżit bażiku biex jiġi appoġġjat it-tkabbir inklużiv.

4.3.4

Barra minn hekk, fl-EUSAIR iridu jiġu definiti miżuri li jaffrontaw il-problemi soċjali li jirriżultaw mill-flussi migratorji irregolari li jolqtu l-aktar lill-parti t'isfel tar-reġjun.

Brussell, 11 ta' Settembru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2014) 357 final.

(2)  Seduta f'Palermo tas-27/05/2014 tal-grupp ta' studju "Strateġija tal-UE għar-reġjun Adrijatiku-Joniku (EUSAIR) inkarigat li jfassal din l-opinjoni.

(3)  Opinjonijiet: — “L-iżvilupp ta’ strateġija makroreġjonali fil-Mediterran – il-vantaġġi għall-Istati Membri gżejjer”, ĠU C 44, 15.2.2013, p.1; — “Ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li jikkonċerna l-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali”, ĠU C 67, 6.3.2014, p.63; — “Lejn strateġija makroreġjonali tal-UE għall-iżvilupp tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fil-Mediterran”, ĠU C 170, 5.6.2014, p.1; — “Strateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR)”, ĠU C 177, 11.6.2014, p.32.

(4)  http://www.balticsea-region-strategy.eu

(5)  http://www.danube-region.eu

(6)  COM(2012) 713 final.

(7)  http://www.uniadrion.net

(8)  http://www.forumaic.org

(9)  http://www.faic.eu/index_en.asp

(10)  “Ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali”, COM(2014) 284 final.

(11)  “Kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas ta' Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej”, C (2013) 9651 final.

(12)  Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta’ Koeżjoni, ĠU L 347, 20.12.2013, p.281.

(13)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 447/2014 dwar ir-regoli sepċifiċi tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), GU L 132, 3.5.2014, pag. 32.

(14)  Regolament (KE) Nru. 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, ĠU L 149, 20.5.2014, p.1.

(15)  Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f' "Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020), ĠU L 347, 20.12.2013, p.81.

(16)  Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, ĠU L 348, 20.12.2013, p.1.

(17)  Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE), ĠU L 347, 20.12.2013, p.185.

(18)  Ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (COSME) (2014 – 2020), ĠU L 347, 20.12.2013, p.33.

(19)  http://www.wbif.eu

(20)  http://www.eib.org

(21)  Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, ĠU L 348, 20.12.2013, p.1.

(22)  Aħseb l-ewwel fiż-Żgħir – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa– COM(2008) 394 final/2

(23)  Pjan ta’ azzjoni dwar l-intraprenditorija 2020 – Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa, COM(2012) 795 final.

(24)  Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropw 2014-2020, COM (2013) 83 final.


19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 458/36


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi viża itineranti u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 562/2006 u (KE) Nru 767/200” —

COM(2014) 163 final – 2014/0095 (COD)

u dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Kodiċi tal-Unjoni dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)” —

COM(2014) 164 final – 2014/0094 (COD)

(2014/C 458/07)

Relatur:

is-Sur PEZZINI

Korelatur:

is-Sur Pariza CASTAÑOS

Nhar it-3 ta' April 2014 u nhar il-21 ta' Mejju 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi viża itineranti u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 562/2006 u (KE) Nru 767/2008

COM(2014) 163 final – 2014/0095 (COD)

Nhar it-3 ta' Lulju 2014 u nhar il-21 ta' Mejju 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Kodiċi tal-Unjoni dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)

COM(2014) 164 final – 2014/0094 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Awwissu 2014.

Matul il-501 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar l-10 u l-11 ta’ Settembru 2014 (seduta tal-10 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’175 vot favur u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja b'konvizjoni ż-żewġ proposti għal regolament, l-ewwel waħda li timmira li tistabbilixxi viżi itineranti u viżi għal dħul multiplu u timmodifika l-Konvenzjoni ta' applikazzjoni tal-ftehim ta' Schengen; it-tieni li tirriformula u ttejjeb il-Kodiċi dwar il-Viżi sabiex tħeġġeġ it-tkabbir u l-impjiegi ġodda.

1.2

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2014 li “il-politika komuni dwar il-viżi għandha tiġi modernizzata billi jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar leġittimu u tissaħħaħ il-kooperazzjoni konsulari lokali ta' Schengen filwaqt li jinżamm livell għoli ta' sikurezza u tiġi implimentata s-sistema l-ġdida ta' governanza ta' Schengen”.

1.3

Il-KESE huwa konvint li għandu jingħata appoġġ għall-proċessi kollha, inkluż il-politika tal-viżi, li għandhom l-għan li jissimplifikaw u li jiffavorixxu l-mobbiltà ta' dawk li għandhom id-dritt u l-mezzi u li għal kwalunke raġuni leġittima jixtiequ jiġu fl-UE.

1.4

L-Ewropa hija parti minn dinja globalizzata u interkonnessa, fejn il-mobbiltà internazzjonali ser tiżdied: għalhekk hemm bżonn li jinħolqu sinerġiji akbar ma' setturi oħra strateġiċi, pereżempju, dak kummerċjali, turistiku u kulturali, u għandu jiġi promoss aċċess leġittimu u sikur abbażi ta' reċiproċità sħiħa.

1.5

L-awtoritajiet għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq iż-żgħażagħ minn pajjiżi terzi biex b'għajnuniet finanzjarji adatti u tħaffif proċedurali, l-UE twassal il-valuri tagħha lid-dinja tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda, ħalli tiżviluppa u tinfirex kultura ta' rispett u ta' tolleranza fost il-popli u jitrażżan l-estremiżmu.

1.6

Sabiex ikollna politika ta' merħba sikura u konsapevoli, bis-saħħa tal-proċess ta' unifikazzjoni mibni u appoġġjat bi sforz kbir mill-Istati Membri wara l-avvenimenti drammatiċi tal-ewwel nofs tas-“Seklu l-qasir”, l-UE għandha ssir il-post fejn il-ħolma ta' paċi ġenwina, progress, demokrazija u rispett għal kull ċittadin, kif ukoll tat-tkabbir, l-impjieg u l-kompetittività, issir realtà.

1.7

Politika intelliġenti dwar l-ammissjonijiet f'din iż-Żona Ewropea ta' ġustizzja u libertà għandha tibni fuq il-Premju Nobel, li ngħata lill-UE għall-kisbiet tanġibbli tagħha fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-kunsiderazzjoni tal-bniedem bħala konsumatur intelliġenti, favur żvilupp sostenibbli, għall-protezzjoni u r-rispett tal-orjentamenti reliġjużi u sesswali ta' kulħadd u għas-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej.

1.8

Il-KESE – bħala “Agora” tas-soċjetà ċivili – iqis li l-proċessi ta' simplifikazzjoni intelliġenti u sikura fir-rigward tal-aċċess ta' popli differenti għat-territorji tagħha mhux biss għandhom ikunu jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir u għall-benesseri ekonomiku u soċjali iżda għandhom jippermettu wkoll it-tixrid tal-valuri li fuqhom tissejjes il-koeżistenza taċ-ċittadini Ewropej.

1.9

Il-KESE huwa konvint li qed joqrob iż-żmien biex ngħelbu r-raġunijiet kulturali u politiċi li wasslu għall-ħolqien tal-ambaxxati tal-Istati Ewropej individwali, u li rappreżentanza unitarja tal-UE fil-pajjiżi terzi tkun qabża ta' kwalità fil-mod kif inħarsu lejn il-bqija tad-dinja, se tagħti spinta ġdida lill-proċess ta' unifikazzjoni tal-kontinent Ewropew, anke f'termini ta' politika dwar l-aċċess għall-Ewropa, se ssolvi ħafna problemi marbuta ma' proċeduri differenti dwar l-għoti ta' viżi, u se trawwem stima u rispett għal integrazzjoni sħiħa tal-politika tal-Unjoni.

1.10

Il-KESE għalhekk għandu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin għall-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

li jiġu armonizzati d-dokumenti ta' prova għal applikazzjonijiet għal viża,

li jiġi żgurat il-ġbir ta' data aktar preċiża, għal sistema xierqa ta' monitoraġġ statistiku,

li jiddaħħlu viża itineranti u viżi għal dħul multiplu sabiex jiffaċilitaw it-turiżmu, id-divertiment, il-kultura u l-ekonomija,

li jissaħħu l-garanziji proċedurali sempliċi u effiċjenti u l-applikazzjoni tagħhom bl-istess mod kullimkien,

li tingħata l-possibilità għat-tressiq ta' talbiet onlajn, permezz ta' sit elettroniku għall-Viżi Schengen,

li jitfasslu regoli vinkolanti li jidentifikaw il-kategoriji differenti tal-applikanti sabiex ikun possibbli li jingħataw “storja tal-viżi” u jkollhom flessibbiltà fid-dokumenti ta' prova,

li tingħata flessibblità adatta fil-ħruġ ta' viżi fil-konfini lill-baħħara u għal permessi individwali ta' turiżmu għal soġġorn qasir,

li jiġi stabbilit qafas legali sikur biex jiffaċilita l-ħruġ ta' viżi għal żjarat lil membri tal-familja,

li tissaħħaħ il-kooperazzjoni konsulari sabiex tiġi żgurata aktar flessibbiltà, u biex jiġi introdott il-prinċipju ta' rappreżentanza obbligatorja, u jsiru passi konkreti għal rappreżentanza waħda unitarja tal-UE.

2.   Introduzzjoni

2.1

Politika komuni fil-qasam tal-viżi hija element bażiku fil-ħolqien ta' żona komuni mingħajr fruntieri interni u tagħmel parti integrali mill-Artikolu 77(2)(a) u l-Artikolu 79 tat-TFUE, li jagħtu lill-Unjoni s-setgħa li taġixxi fil-qasam tal-viżi u l-permessi ta' residenza fil-kuntest ta' residenza legali fl-Istati Membri tal-UE, taħt il-Titolu V tat-TFUE “spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja”.

2.2

B'hekk, l-acquis ta' Schengen dwar il-politika tal-viżi, li twaqqaf fl-ambitu tal-kooperazzjoni intergovernattiva ta' Schengen, ġie integrat fil-qafas istituzzjonali u legali tal-UE: bħalissa l-kodiċi dwar il-viżi u l-politika komuni tal-viżi jkopru biss viżi għal żjarat qosra (“viżi Schengen”) għal żjarat ta' 90 ġurnata f'perjodu ta' 180 ġurnata) u jirrigwardaw il-viżi li jinħarġu minn 22 Stat Membru u erba Stati assoċjati. Ma japplikax għall-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, l-Irlanda, ir-Rumanija u r-Renju Unit (1).

2.3

Fl-2013, is-26 Stat Schengen attwali ħarġu aktar minn 16,1 miljun viża Schengen meta mqabbla mas-1 7 2 04  391 mitluba. Il-fruntieri tal-art fiż-żona ta' Schengen ikopru 7  702 km, dawk tal-baħar ikopru 41  915 km filwaqt li l-punti ta' qsim tal-fruntieri fl-ajru huma 644. Skont studji riċenti (2), fl-2012 “intilfu”6,6 miljun vjaġġatur potenzjali minħabba l-kumplessità tal-proċeduri biex tinħareġ viża, b'nuqqas ta' żieda fid-dħul ta' bejn 30 % u 60 % u telf ta' dħul sa 130 biljun euro.

2.4

Fost il-miżuri prinċipali adottati fil-qafas ta' Schengen, hemm:

it-tneħħija tal-kontrolli fuq il-persuni mal-fruntieri interni;

regoli komuni li jiġu applikati għall-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni;

l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-dħul u l-għoti tal-viżi għal żjarat qosra;

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija, fosthom id-drittijiet ta' osservazzjoni u ta' insegwiment transkonfinali;

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni legali b'sistema ta' estradizzjoni aktar mgħaġġla u trażmissjoni aħjar tal-infurzar tas-sentenzi penali;

il-ħolqien u żvilupp tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS).

2.5

Il-kodiċi dwar il-viżi (3), li jistabbilixxi proċeduri għall-ħruġ tal-viżi għal żjarat qosra, huwa l-frott tar-riformulazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-atti legali kollha li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għar-rilaxx ta' dawn il-viżi u ħa post il-partijiet obsoleti tal-acquis ta' Schengen.

2.6

L-iskop iddikjarat tal-kodiċi dwar il-viżi huwa li jsaħħaħ il-koerenza tal-politika tal-viżi komuni, biex itejjeb it-trasparenza u ċ-ċertezza legali, isaħħaħ il-garanziji proċedurali u l-ugwaljanza fit-trattament ta' dawk li jitolbu l-viża, filwaqt li jiggarantixxi l-kwalità tas-servizz u jistabbilixxi l-prinċipju ta' “punt uniku” għat-tressiq tal-applikazzjoni, biex il-vjaġġi leġittimi jiġu faċilitati, l-immigrazzjoni klandestina tiġi evitata u jinżammu l-ordni pubbliku u s-sigurtà.

2.7

It-tisħiħ taż-żona Schengen, il-ftehim dwar sistema Ewropea komuni tal-ażil, it-titjib tal-politika komuni fil-qasam tal-viżi, l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-varjanti tagħha aktar perikolużi għall-persuni (it-terroriżmu, it-traffikar tal-persuni, iċ-ċiberkriminalità, eċċ.), huma globalment riżultat importanti, iżda li għadu mhux biżżejjed u jeħtieġ kooperazzjoni akbar, fi ħdan iż-żona Schengen u mal-pajjiżi terzi; l-iskop tal-politika komuni tal-viżi huwa wkoll li:

jiġu stabbiliti regoli komuni fil-qasam tal-kontrolli fil-fruntieri esterni,

u l-appoġġ għat-tneħħija tal-verifiki fil-fruntieri interni.

2.8

B'mod aktar speċifiku, il-politika tal-viżi hija marbuta mal-politiki tal-fruntieri tal-UE, mill-mument li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, li għandhom l-obbligu li jiksbu viża, isirilhom l-ewwel kontroll biex jiġi stabbilit jekk jissodisfawx il-kundizzjonijiet għad-dħul fl-UE, filwaqt li t-talba tagħhom għal viża tkun qed tiġi kkunsidrata.

2.9

Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi ġew innotati għadd ta' nuqqasijiet, fosthom:

nuqqas ta' obbligu li jippreżentaw it-talba għall-viża personalment, filwaqt li jressqu dokumenti ta' prova speċifiċi, minħabba li l-ġudizzju dwar “l-integrità” u “l-affidabbiltà” jitħalla għal aġenziji esterni,

in-nuqqas ta' flessibbiltà proċedurali ġenerali anke meta l-applikanti jippreżentaw talba għall-ewwel darba, u jinżamm livell għoli ta' sigurtà,

in-nuqqas ta' punti fejn jinġabru u jiġu trattati l-applikazzjonijiet għall-viżi f'ħafna pajjiżi terzi,

in-nuqqas ta' faċilitazzjoni għall-mobbiltà tal-persuni, fil-każ ta' żjajjar tal-familji,

nuqqas ta' faċilitazzjoni biex tinħareġ viża għal dħul multiplu li jkunu fuq żmien itwal.

2.10

L-Ewropa hija parti minn dinja globalizzata u interkonnessa, li fiha l-mobbiltà internazzjonali ser tiżdied: għalhekk hemm bżonn li jinħolqu sinerġiji akbar għas-setturi l-oħra strateġiċi, pereżempju, dak kummerċjali, turistiku u kulturali, u għandha tiġi promossa l-mobbiltà fuq perjodu qasir ta' dawk li jagħtu servizzi u li għandhom kwalifiki għoljin. Ser jiżdied l-għadd potenzjali ta' viżitaturi, li għandhom raġuni leġittima biex jieqfu għal aktar minn 90 ġurnata fuq perjodu ta' 180 ġurnata, mingħajr ma jkollhom il-ħsieb li jgħixu f'wieħed mill-Istati Schengen għal perjodu aktar twil.

2.10.1

Fuq kollox iż-żgħażagħ għandhom jingħataw il-possibbiltà legali u ekonomika li jidħlu faċilment f'Ewropa li ma tkunx aktar fortizza iżda mudell tad-demokrazija u tat-tolleranza fid-dinja.

2.11

Il-governanza ġdida tax-Schengen trid tkun b'mod li ċ-ċirkolazzjoni fi ħdan iż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri, tkompli twassal benefiċċji għaċ-ċittadini u għall-ekonomija tal-Ewropa, billi tippromovi l-opportunitajiet ta' mobbiltà leġittimi, bis-saħħa tal-modernizzazzjoni tal-politika tal-viżi u l-implimentazzjoni tal-inizjattiva “Fruntieri intelliġenti”, li fl-istess waqt iżżomm livell għoli ta' sigurtà u tirrispondi għall-aspettattivi leġittimi tal-applikanti.

2.12

Minħabba li hija mistennija żieda fl-applikanti għall-viża, it-tħaddim korrett tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) ser ikunu essenzjali biex inaqqsu l-possibbiltà fejn applikanti għall-viża jfittxu dħul aktar faċli fiż-żona Schengen, filwaqt li jmorru lejn dawk l-Istati li jidhru li huma inqas stretti, jew fejn il-proċeduri huma aktar mgħaġġla u inqas diffiċli.

3.   Il-proposti tal-pakkett il-ġdid tal-viżi

3.1

L-aspetti ewlenin tal-Pakkett propost mill-Kummissjoni jistgħu jiġu sintetizzati hekk:

it-tnaqqis għal minn 15 sa 10 tijiem tal-iskadenza biex jiġu proċessati t-talba għall-viża u d-deċiżjoni dwarha;

il-possibbiltà li l-applikazzjoni għall-viża titressaq lil konsolat ta' Stat Membru ieħor tal-UE jekk l-Istat Membru kompetenti għall-applikazzjoni għall-viża ma jkunx preżenti jew rappreżentat fit-territorju tal-applikant;

il-possibbiltà li l-vjaġġaturi regolari, jingħataw aġevolazzjonijiet sostanzjali, fosthom il-ħruġ obbligatorju ta' viża għal dħul multiplu validu għal tliet snin;

l-introduzzjoni ta' formola simplifikata għall-applikazzjoni;

il-possibbiltà li l-Istati Membri jintroduċu regoli speċifiċi biex tinħareġ viża fuq il-fruntiera, valida għal mhux aktar minn 15-il ġurnata u għal Stat Schengen wieħed;

il-possibbiltà għall-Istati Membri li jħaffu l-ħruġ tal-viżi għall-vjaġġaturi li jipparteċipaw f'avvenimenti ta' prominenza kbira;

l-introduzzjoni ta' tip ġdid ta' viża – viża itineranti – li tippermetti lill-vjaġġaturi leġittimi li jivvjaġġaw fi ħdan iż-żona Schengen għal perjodu massimu ta' sena (massimu ta' 90 ġurnata fuq perjodu ta' 180 ġurnata fl-istess Stat Membru);

l-introduzzjoni ta' viża għal dħul multiplu u l-għażla li jinħarġu viżi fuq il-fruntiera;

l-eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffa tal-viża għal kategoriji definiti u l-iffaċilitar għall-baħħara u l-persunal tal-kruċieri.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Għall-KESE, politika komuni tal-viżi hija komponent essenzjali fil-ħolqien ta' spazju komuni mingħajr fruntieri interni: b'dan il-mod l-acquis ta' Schengen dwar il-politika tal-viżi stabbilit fil-qafas tal-kooperazzjoni intergovernattiva ta' Schengen, jiddaħħal fil-qafas istituzzjonali u legali tal-UE fis-sens tat-Trattat.

4.2

Jinħass il-bżonn ta' kooperazzjoni akbar bejn il-konsolati għal iżjed interoperabilità u biex isiru passi konkreti għall-ħolqien ta' rappreżentanza unika tal-UE, f'ħafna Stati tad-dinja, u b'hekk jingħata sinjal ċar ta' maturità politika b'iffrankar sinifikanti ta' spejjeż, u simplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-proċeduri.

4.2.1

Barra minn hekk, is-SEAE (Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna), li ilu jopera mill-1 ta' Jannar 2011 jgħodd 140 delegazzjoni madwar id-dinja, minbarra Brussell, u 3  292 impjegat u baġit ta' EUR 519 miljun għall-2014.

4.3

L-unifikazzjoni fi strument uniku tal-leġislazzjoni kollha dwar it-trattament tal-applikazzjonijiet għall-viża għal żjarat qosra u l-modifika tal-ħruġ tal-viżi kkontribwixxew b'mod ċar biex il-leġislazzjoni ġiet simplifikata, it-trasparenza ttejbet u ċ-ċertezza legali ssaħħet.

4.4

Il-Kumitat jaqbel mal-għan ġenerali tal-Kodiċi dwar il-Viżi li jiggarantixxi li l-politika komuni tal-viżi tkun verament komuni u li l-Istati Membri kollha japplikawha bl-istess mod kullimkien, permezz ta' għadd ta' dispożizzjonijiet legali u istruzzjonijiet operattivi.

4.5

Il-KESE jenfasizza li, għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, huma importanti l-benefiċċji ekonomiċi li jinkisbu mill-iffaċilitar tal-vjaġġi bi skopijiet leġittimi, f'qafas legali ċar, mhux biss għal żjarat ta' mhux aktar minn 90 ġurnata għal kull perjodu ta' 180 ġurnata.

4.6

Anke l-applikanti minn pajjiżi terzi, b'raġunijiet leġittimi għal żjarat itwal minn dawn il-limiti, bħall-artisti, l-intraprendituri, il-professuri, ir-riċerkaturi, l-istudenti, il-pensjonanti li jixtiequ jibqgħu fiż-żona Schengen għal perjodu itwal minn 90 ġurnata mingħajr ma jibqgħu aktar minn 90 ġurnata fl-istess pajjiż, għandhom ikunu jistgħu jagħmlu hekk bis-salvagwardja ta' livelli ogħla ta' sigurtà.

4.7

Skont il-KESE, ladarba jiġu adottati, id-dispożizzjonijiet għandhom jippermettu mhux biss it-tkabbir ekonomiku tal-UE iżda jagħmluha possibbli, fil-kulturi differenti tad-dinja, li jiġu żviluppati l-prinċipji komuni tal-leġislazzjoni Ewropea, espressi fit-Trattat u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali:

ir-rappreżentazzjoni ta' ekonomija soċjali tas-suq;

il-promozzjoni u r-rispett għar-rwol tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata;

l-iffaċilitar tal-konsultazzjoni u t-tfittxija tal-ġid komuni b'mod parteċipat;

ir-rispett għar-rwol taċ-ċittadini, bħala konsumaturi;

l-appoġġ għall-kultura ta' kooperazzjoni;

id-difiża tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

il-garanzija tal-għażla ħielsa u personali fil-qasam reliġjuż u sesswali;

l-adattar tal-istrutturi soċjali għall-kapaċitajiet differenti.

4.8

Il-KESE jappoġġja l-proposta ta' viża għal dħul multiplu, għaliex tiffaċilita ħajjet il-vjaġġaturi: anzi, il-ħruġ ta' diversi viżi multipli se jħaffef il-piż amministrattiv kemm għall-applikanti kif ukoll għall-konsolati, bi ffrankar sostanzjali tal-ispejjeż, anke bis-saħħa tas-sistema ta' informazzjoni dwar il-viżi (VIS).

4.9

Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward ta':

it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għall-applikanti u l-konsolati, billi jisfruttaw kompletament il-possibbiltà tas-sistema VIS għat-trattament differenzjat skont kriterji ċari u oġġettivi bejn vjaġġaturi magħrufa jew regolari u applikanti mhux magħrufa,

is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni sħiħa tal-proċeduri sabiex id-dispożizzjonijiet, li bħalissa huma fid-diskrezzjoni tal-konsolati, isiru obbligatorji,

ir-reviżjoni tal-qafas attwali ta' kooperazzjoni bejn il-konsolati biex jingħata aċċess għal proċeduri aktar sempliċi ta' applikazzjoni għall-viżi Schengen fl-akbar numru ta' postijiet possibbli,

l-inklużjoni fil-kodiċi dwar il-viżi ta' artikolu li jippermetti l-ħruġ ta' viżi temporanji fil-fruntiera b'kundizzjonijiet ċari ħafna,

l-iffaċilitar tal-ħruġ tal-viżi għall-membri tal-familja, fuq kollox għall-persuni li tirreferi għalihom id-Direttiva 2004/38/KE,

ir-regolamenti biex jimlew in-nuqqas bejn id-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw iż-żjarat qosra u dawk li jirregolaw l-aċċettazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi fl-Istati Membri.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-KESE jappoġġja l-proposta ta' regoli obbligatorji għall-armonizzazzjoni tad-dokumenti ta' prova għall-applikazzjonijiet tal-viża fil-qafas tal-kooperazzjoni bejn il-konsolati lokali tax-Schengen, u l-abbozzar annwali ta' rapport dwar is-sitwazzjoni ġenerali, li fil-prinċipju għandu jitħejja flimkien mal-leġislaturi, sabiex jiġu garantiti l-koerenza u t-trasparenza; dawn ir-regoli għandhom jevitaw kull nuqqas ta' ugwaljanza bejn il-konsolati fir-rigward tar-rekwiżiti mitluba.

5.2

Fil-fehma tal-KESE, il-garanzija ta' ġbir ta' data aktar preċiża permezz ta' reviżjoni tal-lista tad-data rilevanti u preżentata mill-Istati Membri, hija fundamentali għal monitoraġġ statistiku adatt u għal analiżi aħjar tal-entrati individwali, it-tipoloġiji u l-proċeduri tal-ħruġ tal-viżi, u b'hekk issir valutazzjoni adatta fl-identifikazzjoni tal-għanijiet futuri.

5.3

Il-KESE jappoġġja d-dħul tal-viża itineranti bħala strument legali li jawtorizza, abbażi ta' kriterji razzjonali, persuni li – għal raġunijiet rispettabbli u leġittimi – jitolbu li jibqgħu aktar minn 90 ġurnata fiż-żona Schengen f'aktar minn Stat Membru wieħed fuq perjodu ta' 180 ġurnata mingħajr ma jinqabżu d-90 ġurnata fl-istess pajjiż.

5.4

Il-KESE jemmen li definizzjoni aħjar ta' Stat “kompetenti” kif ukoll simplifikazzjoni tal-formola se jsaħħu l-garanziji proċedurali u jiġu evitati d-dewmien u l-kumplikazzjonijiet.

5.5

Għall KESE, it-tneħħija tal-prinċipju tal-preżentazzjoni mill-persuna stess hija pożittiva, ħlief għad-dispożizzjonijiet dwar il-ġbir tal-marki tas-swaba' diġitali fil-każ ta' applikanti li jkunu qed jitolbu viża għall-ewwel darba – iżda bil-possibbiltà ta' kollokwi, l-istess bħalma ġie iċċarat dwar il-possibbiltà li jitressqu talbiet onlajn sa sitt xhur qabel id-data tad-dħul previst: il-proposta hija adatta speċjalment għall-vjaġġaturi frekwenti b'applikazzjonijiet għall-viża li diġà ġew dokumentati b'validità permanenti tad-data għad-dħul fiż-żona Schengen.

5.5.1

Mingħajr preġudizzju għaż-żamma ta' livelli għolja ta' sigurtà, il-KESE jirrakkomanda livell daqstant għoli ta' protezzjoni ta' data personali, data bijometrika u data “sensittiva” li dwarhom il-KESE diġà esprima l-fehmiet tiegħu (4). Il-KESE għalhekk jitlob lill-Aġenzija tal-UE għal Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira (eu-LISA) biex tiggarantixxi b'mod sħiħ il-protezzjoni tad-data tas-sistemi VIS u SIS II.

5.6

L-introduzzjoni ta' elementi ta' ċertezza legali u tnaqqis fiż-żmien massimu ta' risposta, flimkien mat-tfassil ta' lista kompleta u simplifikata tad-dokumenti ta' prova li teskludi l-assigurazzjoni medika għall-vjaġġ, hija apprezzata ħafna mill-KESE, speċjalment għall-vjaġġaturi li urew li huma affidabbli u integri.

5.7

Il-proposta li jiġu stabbiliti regoli vinkolanti, bi kriterji oġġettivi u definiti tajjeb u b'distinzjoni bejn il-kategoriji differenti tal-applikanti, tippermetti lill-applikanti bi storja reġistrata ta' viżi li ngħataw fil-bażi tad-data VIS fit-12-il xahar preċedenti għat-talba, għandu jkollhom flessibbiltà akbar fid-dokumenti ta' prova li jressqu: fil-fehma tal-KESE, dan jippermetti ħeffa akbar fil-proċeduri u ffrankar tal-ispejjeż, anke għall-viżi ta' dħul multiplu u dawk li jaqbżu d-data tad-dokument tal-vjaġġ.

5.8

L-eżenzjoni mill-ħlas ta' taxxa tal-viża – li tiġi applikata b'mod obbligatorju u bl-istess mod mill-pajjiżi membri kollha indipendentement minn fejn tiġi preżentata t-talba, għal kategoriji definiti tajjeb, speċjalment għall-minuri, l-istudenti u benfiċjarji ta' Erasmus Mundus, tirrispondi għal kriterji ta' ugwaljanza u nuqqas ta' diskriminazzjoni u għall-prinċipji taċ-ċertezza legali.

5.9

Il-KESE jirrakkomanda flessibbiltà adegwata, anke fis-salvagwardja tal-marġini tas-sigurtà, fir-reviżjoni tal-kriterji ta' konċessjoni tal-viżi fil-fruntieri għall-baħħara u għall-permessi individwali ta' turiżmu għal perjodu qasir, b'reviżjoni tar-regoli tal-Kodiċi dwar il-Viżi f'dan ir-rigward.

5.10

Hija daqstant ieħor favorevoli l-pożizzjoni tal-KESE dwar ir-reviżjoni favur proporzjonalità akbar tar-regoli għall-viżi tat-tranżitu fl-ajruporti, li ttemm il-viżjoni restrittiva tal-Istati Membri.

5.11

Fir-rigward tal-ħruġ ta' viżi għal ċittadini minn pajjiżi terzi li jixtiequ jżuru familjari, ċittadini ta' Stat tal-UE li joqogħdu fih, il-KESE jqis li huma għandu jkollhom, mill-anqas, l-istess dispożizzjonijiet ta' konċessjoni li hemm fid-Direttiva 2004/38/KE dwar il-libertà taċ-ċirkolazzjoni taċ-ċittadini tal-UE u l-familjari tagħhom b'mod li jiffaċilitaw iż-żamma tar-rabtiet familjali, billi jissimplifikaw il-proċeduri u tingħata eżenzjoni mit-taxxi tal-viża.

5.12

Fir-rigward tar-reviżjoni tad-definizzjoni attwali ta' kooperazzjoni bejn il-konsolati biex tiġi żgurata flessibbiltà akbar u fid-dawl tal-introduzzjoni tal-prinċipju tar-rappreżentanza obbligatorja, il-KESE jqis li din ir-reviżjoni għandha twassal għal iffrankar tal-ispejjeż kif ukoll kopertura u interoperabilità aħjar min-netwerk tal-konsolati.

5.13

F'dan ir-rigward, il-KESE huwa konvint li rappreżentanza unitarja ssolvi ħafna problemi marbutin ma' proċeduri differenti fil-ħruġ tal-viżi u tkun tippermetti ffrankar ta' spejjeż sinifikanti, biex b'hekk l-UE tingħata vuċi unika anke f'dan il-qasam.

Brussell, 10 ta' Settembru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Id-Danimarka, minkejja li diġà ffirmat il-konvenzjoni ta' Schengen, tista' tagħżel jekk timplimentax jew le kull miżura ġdida bbażata fuq it-Titolu V tat-TFUE.

(2)  Studju dwar il-valutazzjoni tal-impatt, L-appoġġ għar-reviżjoni tal-politika tal-viżi tal-Unjoni Ewropea biex jiġu faċilitati l-vjaġġi leġittimi, 18.07.2013.

(3)  ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.

(4)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 123.


19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 458/43


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat” —

COM(2014) 221 final – 2014/0124 (COD)

(2014/C 458/08)

Relatur:

is-Sur PALMIERI

Korelatur:

is-Sinjura BONTEA

Nhar is-16 ta' April 2014 u nhar id-29 ta' April 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 153(2)(a) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat

COM(2014) 221 final – 2014/0124 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Awwissu 2014.

Matul il-501 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta’ Settembru 2014 (seduta tal-10 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’172 vot favur, 88 vot kontra u 22 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-KESE

1.1

Iqis li x-xogħol mhux iddikjarat huwa problema li tirrigwarda l-Istati Membri kollha – anke jekk xi pajjiżi qed jiffaċċjaw problema ikbar minn oħrajn – u huwa fenomenu li jmur kontra l-ideali Ewropej tal-legalità, is-sikurezza, is-solidarjetà, il-ġustizzja soċjali u fiskali, il-kompetizzjoni ħielsa fis-swieq kif ukoll il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-UE.

1.2

Iqis li l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, li titwettaq permezz tal-miżuri ta' prevenzjoni, kontroll u skoraġġiment adatti, hija għażla strateġika fundamentali biex jinkixef ix-xogħol irregolari u jiġi assigurat ir-rilanċ tal-kompetittività tas-sistema ekonomika u soċjali tal-Unjoni Ewropea, fir-rispett tal-prijoritajiet u d-direzzjonijiet stabbiliti mill-Istrateġija Ewropa 2020.

1.3

Jivvaluta b'mod pożittiv il-proposta li titwaqqaf Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat. Din hija proposta koerenti mad-dikjarazzjonijiet varji li għamlu l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-istess KESE f'dawn l-aħħar snin, fejn saħqu fuq il-ħtieġa li tiġi implimentata strateġija għall-ħolqien tal-impjieg, it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-kooperazzjoni msaħħa – koordinata fil-livell Ewropew – kontra x-xogħol mhux iddikjarat, u b'hekk jagħmlu tajjeb għan-nuqqas fil-livell tal-UE, fejn s'issa x-xogħol mhux iddikjarat ġie ttrattat b'mod asimmetriku u mhux bil-koordinazzjoni meħtieġa.

1.4

Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta li tiġi stabbilita pjattaforma Ewropea bil-parteċipazzjoni obbligatorja tal-Istati Membri kollha u jqis li bil-parteċipazzjoni konġunta u koordinata tal-pajjiżi kollha tal-UE għandu jkun possibbli li jiġu trattati l-aspetti transkonfinali u l-problemi marbutin mal-preżenza tal-ħaddiema klandestini u irregolari li mhumiex ċittadini tal-UE.

1.5

Għalkemm il-KESE jagħraf li x-xogħol mhux iddikjarat u x-xogħol awtonomu li jiġi dikjarat b'mod falz, jiġifieri xogħol li filfatt mhuwiex awtonomu, huma żewġ kunċetti distinti, iqis li x-xogħol awtonomu falz għandu jiġi inkluż mal-forom tax-xogħol mhux iddikjarat li għandhom jiġu evitati, skoraġġuti u miġġielda mill-pjattaforma, minħabba l-konsegwenzi ħżiena li joħloq: i) fuq id-drittijiet u l-garanziji tal-ħaddiema; ii) fuq it-tħaddim normali tal-kompetizzjoni ħielsa tas-swieq; iii) fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-UE.

1.5.1

Jittama li l-ħidma tal-pjattaforma – fir-rigward tan-normi u l-prattiki nazzjonali – tippermetti, permezz ta' valutazzjoni tal-esperjenza li żviluppat fl-Istati Membri diversi, li jsiru passi lejn strateġija effikaċi għall-ġlieda kontra dan il-fenomenu, permezz tad-definizzjoni ta' x'inhu x-xogħol awtonomu falz.

1.6

Għalkemm jaqbel għal kollox mal-funzjonijiet u l-ħidmiet tal-pjattaforma, jaħseb li l-mandat jista' jitwessa' biex jinkludi l-possibilità li jitfasslu rakkomandazzjonijiet dwar regolamenti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri individwali, b'mod li jiggarantixxi l-implimentazzjoni ta' strateġija iżjed effettiva (pereżempju billi tipproponi attivitajiet ta' kooperazzjoni transkonfinali iżjed inċiżivi fir-rigward tal-ispezzjonijiet ta' kontroll u l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat).

1.7

Iqis li fil-ħatra ta' punt ta' kuntatt nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandu jkollhom l-obbligu li jinvolu l-imsieħba soċjali u li jistiednu l-organizzazzjonijiet rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, li billi żviluppaw għarfien speċifiku dwar il-fenomenu tax-xogħol mhux iddikjarat, jiggarantixxu valur miżjud effettiv għall-istrateġija tal-ġlieda kontra l-fenomenu.

1.7.1

Iqis li l-laqgħat tal-pjattaforma Ewropea għandhom jitħejjew b'mod adegwat permezz ta' laqgħat ta' tħejjija u laqgħat informattivi li jippermettu li r-riżultati tal-ħidma tal-pjattaforma jiġu mxandra (u b'hekk tiġi assigurata t-trasparenza sħiħa tal-attività tagħha).

1.8

Iqis li l-miżuri mmirati għall-prevenzjoni u l-iskoraġġiment tax-xogħol mhux iddikjarat għandhom iġibu flimkien għadd ta' strumenti, li jgħaqqdu l-kontroll u s-sanzjonijiet ma' miżuri ta' regolamentazzjoni intelliġenti, biex jiġi garantit qafas legali stabbli u prevedibbli fejn jonqsu l-ispejjeż tal-applikazzjoni tar-regoli, jiġi evitat piż tat-taxxa eċċessiv fuq ix-xogħol, jintużaw mezzi effikaċi sabiex dawk li jħaddmu jiġu mħeġġa biex jiddikjaraw il-forza tax-xogħol tagħhom u biex jikkonformaw mal-liġi, inklużi permezz ta' inċentivi fiskali u sistemi simplifikati ta' ħlas tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali u jjiddaħħlu miżuri ta' vantaġġi fiskali li jiffavorixxu l-identifikazzjoni tax-xogħol mhux iddikjarat.

1.9

Fl-ambitu tal-istrateġija definita mill-UE ħalli tiġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat, f'dawn l-aħħar is-snin, il-KESE kien impenjat b'mod kostanti li jippromovi u jinċentiva l-iskambju tal-istrumenti, il-politiki u l-prattiki tajbin fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, b'interventi kemm f'aspetti ekonomiċi kif ukoll fuq il-kuntest kulturali u soċjali. Għal din ir-raġuni l-KESE jistenna li fit-twaqqif tal-pjattaforma, ir-rwol tiegħu jiġi rikonoxxut uffiċċjalment u b'hekk jiġi inkluż fost l-osservaturi tal-pjattaforma.

1.10

Iħoss li fl-ambitu tas-sensibilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika, il-kapaċità ta' parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili trid tissaħħaħ, b'mod partikolari permezz ta' azzjoni konġunta tal-KESE u tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali fi ħdan l-attività tal-Kumitat tat-tmexxija tal-Istrateġija Ewropa 2020 u dik tal-entitajiet l-oħrajn fi ħdan il-KESE.

1.11

Jittama li fi ħdan il-pjattaforma ikun hemm rikonoxximent tar-rwol li jistgħu jwettqu:

l-Eurostat, permezz tat-tfassil ta' stimi li jistgħu jikkalkulaw id-daqs u d-dinamika tal-ekonomija klandestina u tax-xogħol mhux iddikjarat fl-UE;

l-Eurofound, billi għandu aċċess għal bażi tad-data interattiv tal-aħjar prattiki tal-interventi li jiġġieldu kontra l-klandestinità fil-livell Ewropew;

l-OECD, billi jipprovdi appoġġ tekniku sabiex ikun hemm għarfien dwar il-fenomenu.

1.12

Iqis li jkun utli li l-pjattaforma jkollha sistema ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni permezz ta' sistema ta' indikaturi “ad hoc” u ta' valutaturi esterni għall-Kummissjoni.

2.   Il-fenomenu tax-xogħol klandestin u mhux iddikjarat fl-Unjoni Ewropea

2.1

Fil-livell tal-UE, ix-xogħol klandestin u mhux iddikjarat huwa definit bħala “kwalunkwe attività mħallsa li hija legali fin-natura tagħha imma mhux iddikjarata lill-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fis-sistema regolatorja tal-Istati Membri” (1). F'din id-definizzjoni jidħol ukoll ix-xogħol li jiġi ddikjarat b'mod falz, jew xogħol awtonomu falz, li jseħħ meta l-ħaddiem jiġi formalment iddikjarat bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu abbażi ta' kuntratt ta' forniment ta' servizzi, iżda filfatt fuq il-bażi tal-liġi u l-prattika nazzjonali huwa ħaddiem dipendenti (2).

2.2

Ix-xogħol mhux iddikjarat u x-xogħol awtonomu dikjarat b'mod falz huma aspetti differenti ta' fenomenu li għandu effetti negattivi kemm fuq id-drittijiet u l-garanziji tal-ħaddiema, fuq l-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni fis-suq ħieles u fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-UE. L-inklużjoni tax-xogħol awtonomu falz, fost it-tipi ta' xogħol mhux iddikjarat li għandhom jiġu indirizzati bil-pjattaforma, hija kompletament koerenti, billi dawn huma tipi ta' irregolaritajiet li qed jiżdiedu u jikbru b'rabta mat-terzjarizzazzjoni tax-xogħol mhux iddikjarat, u li jidditerminaw għall-ħaddiema kondizzjonijiet ta' nuqqas ta' drittijiet u garanziji, li jistgħu jitqabblu ma' kriterji li jiddistingwu x-xogħol mhux iddikjarat (3).

2.2.1

Kif diġà ġie notat mill-KESE (4), bħalissa m'hemmx definizzjoni ċara tal-kategorija tax-xogħol awtonomu fil-livell Ewropew u, għalhekk, kull awtorità kompetenti tirreferi għall-qafas regolatorju nazzjonali u b'hekk huwa diffiċli li tiġi implimentata strateġija ta' skoraġġiment tal-fenomenu tax-xogħol awtonomu dikjarat b'mod falz – fil-livell Ewropew – b'mod partikolari fil-kuntesti ta' xogħol transkonfinali.

2.2.2

F'dan il-kuntest, il-KESE diġà ddikjara li huwa favur opportunitajiet biex issir valutazzjoni tal-esperjenzi diversi fl-Istati Membri differenti, sabiex wieħed ikun jista' jislet sensiela ta' konklużjonijiet u jifformula rakkomandazzjonijiet għal strateġija effikaċi għall-ġlieda kontra x-xogħol awtonomu falz jew li jiġi ddikjarat b'mod falz. Fl-Opinjoni “L-abbuż mill-istatus ta' persuna li taħdem għal rasha” (5), il-KESE enfasizza l-bżonn li nadottaw standards affidabbli permezz ta' definizzjoni ta' ħaddiem awtonomu falz li tkun tista' tiggarantixxi li l-ħaddiema awtonomi u l-mikrointrapriżi awtentiċi jkunu mħarsa minn riskji ta' kompetizzjoni mhux ġusta tas-swieq.

2.2.2.1

Din il-pożizzjoni hija koerenti ma' dak li ġie espress mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea li, bil-għan li tassigura tħaddim normali tas-swieq u l-moviment ħieles tal-ħaddiema, filwaqt li enfasizzat il-kompetenza tal-Istati Membri fid-definizzjoni ta' ħaddiem dipendenti u ħaddiem awtonomu, tat linji gwida għad-definizzjoni tagħhom bħala regola ġenerali – permezz ta' standards – sabiex tiġi garantita l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tat-trattati (6).

2.2.2.2

Il-KESE huwa tal-fehma li permezz ta' din il-pożizzjoni ir-rwol soċjoekonomiku tal-ħaddiema awtonomi jkompli jissaħħaħ u b'hekk jidħlu f'din il-kategorija biss il-ħaddiema li huma ġenwinament awtonomi. B'hekk jiġi rispettat l-istatus leġittimu tal-ħaddiema awtonomi għal kull min jista' jagħżel b'mod liberu li jaħdem b'mod awtonomu. F'dan ir-rigward, il-KESE jillimta lilu nnifsu għal li joffri xi indikazzjonijiet lill-Istati Membri billi jipproponi mudelli ta' prattiki tajbin.

2.3

Il-varjetà u l-kumplessità tal-fenomenu tax-xogħol mhux iddikjarat jew iddikjarat b'mod falz tinvolvi għadd ta' persuni li huma differenti ħafna bejniethom: impjegati li mhumiex koperti mis-sigurtà soċjali jew huma bla kuntratt jew jiġu mħallsa parzjalment “barra mill-paga”, kollaboraturi li huma membri tal-familja, ħaddiema li ma jiddikjarawx it-tieni xogħol, nies li jaħdmu għal rashom li jagħżlu li ma jkunux regolari, ħaddiema awtonomi foloz, immigranti irregolari li jaħdmu b'mod mhux iddikjarat, ħaddiema minn pajjiżi terzi li jaħdmu b'sottokuntratti fi Stati Membri tal-UE fl-assenza ta' livelli minimi tax-xogħol dinjituż (7). Din il-varjetà tagħmilha diffiċli biex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat u titlob strateġiji speċifiċi.

2.4

Ix-xogħol mhux iddikjarat huwa problema li tirrigwarda l-Istati Membri kollha u huwa fenomenu li jmur kontra l-ideali Ewropej tal-legalità, is-sikurezza, is-solidarjetà, il-ġustizzja soċjali u fiskali, u l-kompetizzjoni ħielsa fis-swieq kif ukoll il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-UE.

2.4.1

Il-ħtieġa li jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat toħroġ fid-dieher proprjament mill-effetti numerużi fuq il-kumpaniji u fuq il-ħaddiema, biex ma nsemmux in-nefqa pubblika:

il-kompetizzjoni bejn l-intrapriżi tiġi mgħawġa minħabba fil-kompetizzjoni qarrieqa bejn dawk li jsegwu r-regoli u dawk li ma jobduhomx, u b'hekk tinżamm attività li kieku aktarx ma tkunux preżenti fis-suq; barra minn hekk, tinħoloq dinamika ta' ineffiċjenza, peress li l-kumpaniji ma jikbrux sabiex jibqgħu fl-ekonomija s-sewda u ma jkollhomx aċċess għas-self u ma jistax ikollhom aċċess għal sejħiet possibbli ta' akkwist pubbliku;

il-ħaddiema jbatu kundizzjonijiet ta' insikurezza fiżika, tad-dħul, tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali, b'konsegwenzi mhux biss etiċi fir-rigward tad-dinjità tagħhom, iżda wkoll f'termini professjonali, billi huma mċaħħda mill-opportunità tat-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ mill-ġdid u milli jżommu aġġornati bil-ħiliet, il-proċessi ta' produzzjoni u l-prodotti;

il-kaxxa pubblika titlef riżorsi hekk kif jonqos id-dħul mit-taxxi u s-sigurtà soċjali (il-qasma fiskali), li jfisser li l-ispiża tas-servizzi pubbliċi u tal-istat assistenzjali mhijiex maqsuma b'mod ekwu (l-hekk imsejjaħ “free-riding”).

2.4.2

Bħalissa, il-fenomenu tax-xogħol mhux iddikjarat jinstab fi ħdan l-UE, b'livelli ta' intensità diffferenti fis-setturi diversi: l-agrikoltura, il-kostruzzjoni, il-manifattura artiġjanali (tessuti, ħwejjeġ, żraben, eċċ.), il-kummerċ bl-imnut, il-lukandi, il-catering, is-servizzi ta' manutenzjoni u ta' tiswija, is-servizzi tal-kura tal-persuni u s-servizzi domestiċi (8).

2.5

L-istimi tax-xogħol moħbi jvarjaw ħafna u l-kwantifikazzjoni statistika tal-fenomenu fil-livell tal-UE hija kumplessa ħafna. Ir-riżultati li joħorġu, anke mill-aktar stħarriġ reċenti (9), juru din id-diffikultà. Naturalment, dan in-nuqqas ta' trasparenza għandu impatt dirett fuq il-possibbiltà li jitwettqu miżuri effikaċi li jeħtieġu azzjonijiet immirati għas-setturi speċifiċi.

2.5.1

F'wieħed mill-aħħar studji tal-Eurofound jirriżulta li 18,6 % tal-persuni li ħadu sehem fi stħarriġ fis-27 Stat Membru, fl-2008, għamlu xogħol mhux iddikjarat (10). Minn din iċ-ċifra: 31,3 % kienu ħaddiema dipendenti li jirċievu parti mis-salarju tagħhom “apparti” mingħajr ma jkun iddikjarat minn min qed iħaddimhom (is-soltu madwar kwart tas-salarju tagħhom); 14,4 % kienu ħaddiema dipendenti kompletament mhux iddikjarati; 14,4 % kienu ħaddiema awtonomi mhux iddikjarati; 39,7 % kienu l-forniment ta' servizzi għal flus bejn persuni li jiġu minn xulxin, jew b'rabtiet soċjali, ta' ħbiberija, eċċ. Skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru (11) tal-2013 (12), 4 % biss ta' dawk li wieġbu stqarru li kienu wettqu xogħol mhux iddikjarat. Madankollu, 11 % ammettew li fis-sena preċedenti kienu xtraw oġġetti jew servizzi fejn kellhom raġunijiet tajba biex jemmnu li kienu jinvolvu xogħol mhux iddikjarat. Madwar l-UE jeżistu varjazzjonijiet konsiderevoli (13).

2.5.2

Sal-lum hemm inċertezza dwar id-dinamiċi tax-xogħol mhux iddikjarat matul is-snin tal-kriżi. Dan il-fenomenu jista' jiggrava fis-setturi ta' attivitajiet u fit-tipi ta' xogħol fejn diġà jeżisti, u anke jinfirex f'oħrajn (pereżempju bl-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni) (14).

2.6

Il-proċess ta' globalizzazzjoni u tibdil soċjodemografiku jipprovdi wkoll art fertili għall-ekonomija s-sewda u x-xogħol mhux iddikjarat, u għal din ir-raġuni l-politiki li jiġġieldu kontrihom iridu jevolvu l-ħin kollu. F'dan il-kuntest, il-kapaċità li l-pajjiżi individwali jaġixxu hija ċertament limitata. Dan joħroġ ċar b'mod partikolari fl-aspetti transnazzjonali tax-xogħol mhux iddikjarat.

2.7

Il-parteċipazzjoni tal-immigranti irregolari fix-xogħol mhux iddikjarat hija problema serja li trid tiġi trattata fl-ambitu tal-istrateġija globali tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari. Għal ħafna immigranti irregolari, ix-xogħol mhux iddikjarat huwa kundizzjoni obbligata li tikkostitwixxi strateġija ta' soppravvivenza. Barra minn hekk, ix-xogħol mhux iddikjarat jista' jwassal biex jiġbed l-immigrazzjoni irregolari.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Id-deċiżjoni li tiġi stabbilita pjattaforma Ewropea hija r-riżultat ta' proċess twil ta' sensibilizzazzjoni dwar il-gravità tal-fenomenu u ta' valutazzjoni attenta li tnediet mill-istituzzjonijiet ewlenin Ewropej (15).

3.2

Il-proposta li titwaqqaf Pjattaforma Ewropea permezz tal-parteċipazzjoni obbligatorja tal-Istati Membri kollha għandha titqies bħala inizjattiva koerenti tal-UE peress li x-xogħol mhux iddikjarat illum huwa problema li tirrigwarda, bi gravità differenti, għalkemm b'karatteristiċi komuni, l-Istati Membri kollha.

3.2.1

L-importanza li titwaqqaf din il-forma ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri hija msaħħa wkoll bil-ħtieġa li jiġu garantiti r-rispett u l-ħarsien: tal-ideali Ewropej ta' solidarjetà u ta' ġustizzja soċjal; tal-kompetizzjoni ħielsa tas-swieq; tal-prinċipji fundamentali tal-moviment liberu tal-ħaddiema tal-UE, l-istess bħall-kwistjonijiet marbutin mal-aspetti transkonfinali tax-xogħol mhux iddikjarat u l-isfidi marbutin mal-mobbiltà tax-xogħol.

3.2.2

It-twaqqif tal-pjattaforma jrid jiggarantixxi koordinazzjoni ikbar bejn id-diversi kumitati u grupp ta' ħidma li jeżistu fi ħdan l-Istati Membri, biex b'hekk jimtela vojt fil-livell tal-UE fejn s'issa x-xogħol mhux iddikjarat ġie trattat b'mod asimettriku u mhux koordinat biżżejjed.

3.2.3

Il-parteċipazzjoni koordinata tal-pajjiżi kollha tal-UE flimkien hija essenzjali biex jissaħħaħ l-impenn lejn il-ġlieda kontra l-forom differenti tax-xogħol irregolari (inkluż ix-xogħol awtonomu falz), kif ukoll biex jiġu trattati l-aspetti transkonfinali u l-problemi marbutin mal-preżenza tal-ħaddiema mhux iddikjarati minn pajjiżi terzi f'kundizzjoni ta' irregolarità.

3.3

Il-proposta li l-pjattaforma Ewropea tirrispetta, u trid tkompli tirrispetta għal kollox il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità li jorbtu lill-UE għandha tintlaqa' b'mod favorevoli.

3.3.1

L-azzjonijiet immirati li jevitaw u jiskoraġġixxu x-xogħol mhux iddikjarat jibqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri. Is-sanzjonijiet mhux penali (amministrattivi u mhux) u penali jiġu imposti abbażi tal-prinċipju tal-legalità, fir-rispett tal-proċeduri u l-liġijiet li hemm f'kull Stat.

3.4

Il-ġlieda kontra x-xogħol irregolari hija għażla strateġika fundamentali għall-UE. Permezz ta' strateġija bħal din ikun possibbli li jinkixef ix-xogħol irregolari – fattur essenzjali għat-tkabbir tal-ekonomija, biex jassigura r-rilanċ tal-kompetittività tas-sistema ekonomika u soċjali tal-UE fid-direzzjoni stabbilita mill-Istrateġija Ewropea 2020.

3.5

L-azzjonijiet immirati li jevitaw u jiskoraġġixxu x-xogħol mhux iddikjarat iridu jkunu indirizzati lejn il-kawżi reali ta' dan il-fenomenu u l-ħtieġa li jiġu kumbinati l-istrumenti tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, permezz ta' kontrolli u pieni li għandhom l-għan li jiġġieldu prattiki kummerċjali jew intraprenditorjali mhux korretti, inġusti u mhux iddikjarati, b'miżuri ta' regolamentazzjoni intelliġenti li għandhom l-għan li jiggarantixxu qafas legali stabbli u prevedibbli.

3.5.1

Ikun tajjeb li jinbena kuntest li jiffavorixxi l-intrapriżi u l-ħaddiema li jnaqqas l-ispejjeż tal-applikazzjoni tar-regoli, jirriforma u jissemplifika l-proċeduri amministrattivi u fiskali u jtejjeb ir-regoli dwar ix-xogħol u s-sikurezza fil-postijiet tax-xogħol, dwar ix-xogħol staġunali u okkażjonali u dwar il-forom ġodda ta' xogħol.

3.5.2

Rwol importanti fl-azzjoni ta' prevenzjoni u ta' skoraġġiment tax-xogħol mhux iddikjarat jista' jitwettaq mill-politiki fiskali li jagħtu vantaġġ, permezz tal-introduzzjoni ta' tnaqqis fiskali li jippremja l-imġiba li tirrispetta r-regoli u tiffavorixxi l-kxif tax-xogħol mhux iddikjarat, inkluż ix-xogħol tad-dar u s-servizzi ta' kura tal-persuni.

3.6

Bit-twaqqif tal-pjattaforma Ewropea hemm bżonn li jiġi evitat li jkun hemm sforzi doppji f'termini ta' inizjattivi u forom ta' kooperazzjoni li diġà jeżistu, kif ukoll obbligi ta' dikjarazzjonijiet li ma jgħinux biex tissolva l-problema u għaldaqstant ikunu żejda.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Fix-xenarju tad-daqs u d-dinamiċi tax-xogħol mhux iddikjarat li spiss jidher li fih ħafna lakuni, jidher ċar ħafna li l-miżuri tal-awtoritajiet nazzjonali ta' skoraġġiment jistgħu jissaħħu bil-kontribut tal-għarfien dirett li għandhom l-imsieħba soċjali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-SMEs, il-professjonijisti awtonomi u l-ekonomija soċjali, u b'mod iktar ġenerali, l-entitajiet li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili. Dan il-fluss ta' informazzjoni jikkostitwixxi, fil-fatt, l-aħjar garanzija biex jiġu indirizzati l-ħidmiet tal-pjattaforma b'mod mill-iktar effikaċi.

4.2

Fil-ħatra nazzjonali tal-punt ta' kuntatt uniku huwa importanti li l-Istati Membri jinvolvu b'mod obbligatorju lill-imsieħba soċjali u jistiednu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jwettqu rwol importanti ħafna fl-intervent nazzjonali ta' ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat.

4.2.1

Huwa essenzjali li l-laqgħat tal-Pjattaforma Ewropea jkunu mħejjija b'mod adegwat f'kull Stat Membru permezz ta' laqgħa ta' tħejjija, u jiġu segwiti b'laqgħa nazzjonali li permezz tagħha jiġu diffużi r-riżultati tal-ħidma tal-pjattaforma.

4.3

Il-KESE saħaq dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat billi “jiġi organizzat skambju sistematiku ta' informazzjoni, data u studji fil-livell tal-Unjoni Ewropea (UE), sabiex jiġu żgurati l-parteċipazzjoni u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u l-imsieħba soċjali kkonċernati” (16).

4.3.1

Il-KESE ħa impenn kostanti biex jippromovi u jinċentiva l-iskambju tal-istrumenti, il-politiki u l-prattiki tajbin, biex isiru interventi kemm fuq il-fatturi ekonomiċi kif ukoll fuq il-kuntest kulturali u soċjali. Għal din ir-raġuni, il-KESE jitlob li, fit-twaqqif tal-pjattaforma, ir-rwol tiegħu jiġi rikonoxxut uffiċċjalment u b'hekk jiddaħħal fost l-osservaturi tal-pjattaforma.

4.4

Il-miżura ta' sensibilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika, prevista mill-pjattaforma, hija okkażjoni importanti biex l-azzjoni ta' prevenzjoni, tnaqqis u ġlieda kontra l-fenomenu tal-klandestinità tingħata spinta min-naħa tal-Istati Membri kollha. F'dan l-ambitu m'għandhiex tiġi sottovalutata l-kapaċità ta' parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, imnedija permezz ta' azzjoni konġunta mill-KESE u l-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali fi ħdan il-Kumitat tat-tmexxija tal-Istrateġija Ewropa 2020 u strutturi oħrajn tal-KESE.

4.4.1

L-awtoritajiet nazzjonali ma għamlux biżżejjed fil-qasam tal-prevenzjoni, informazzjoni u konsultazzjoni (17), u huwa importanti li l-pjattaforma tiddiskuti miżuri ta' dan it-tip, anke permezz ta' attivitajiet komuni, bħall-kampanji Ewropej, previsti fost l-oħrajn fl-Artikolu 4(i).

4.5

Il-KESE jaqbel għal kollox mad-definizzjoni tal-funzjoni u l-ħidma tal-pjattaforma. L-iskambju tal-informazzjoni u ta' prattiki tajbin, l-istess bħall-iżvilupp tal-analiżi, riċerka u kompetenza (permezz ta' korsijiet ta' taħriġ komuni), żgur li huma l-ewwel pass biex jiġu implimentati azzjonijiet operattivi transnazzjonali koordinati. Fid-dawl ta' dan il-fatt, il-KESE jaqbel li l-mandat jista' jitwessa' biex jinkludi l-possibilità li jitfasslu rakkomandazzjonijiet dwar regoli kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dawk tal-Istati Membri individwali, b'tali mod li tiġi implimentata strateġija offensiva iktar effikaċi (pereżempju billi tipproponi azzjonijiet ta' kooperazzjoni transkonfinali iktar inċiżivi fl-attivitajiet ta' spezzjoni tal-kontroll u l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat).

4.6

Kif diġà ntqal f'opinjoni preċedenti, il-pjattaforma għandha tippromovi l-kundizzjonijiet biex tkun tista' ssir valutazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva: i) tal-fenomenu tax-xogħol mhux regolari (varjat ħafna bejn l-Istati Membri differenti); ii) tal-effetti negattivi ekonomiċi u soċjali, li min-naħa tagħhom għandhom impatt differenti fl-Istati Membri skont il-kundizzjonijiet strutturali u ta' kuntest; iii) tal-effikaċja tal-azzjonijiet ta' ġlieda implimentati fi ħdan l-Istati Membri.

4.6.1

F'dan l-ambitu, it-twaqqif ta' pjattaforma huwa importanti u bl-istess mod, wieħed jawgura li kemm il-Eurostat kif ukoll l-Eurofound ikollhom rwol importanti fi ħdan il-pjattaforma.

L-Eurostat jista' jagħti appoġġ tekniku biex jissolvew il-problemi metodoloġiċi li jirrigwardaw l-istimi tad-daqs u l-evoluzzjoni tal-ekonomija moħbija u x-xogħol mhux iddikjarat, li s'issa għadhom inkompluti u mhux kondiviżi;

B'appoġġ tal-ħidmiet tal-pjattaforma, il-Eurofound jista' jiżviluppa l-bażi tad-data attwali li għandu aċċess għalih f'bank ta' dati interattiv (Interactive knowledge bank) tal-prattiki tajbin tal-interventi ta' ġlieda kontra l-klandestinità.

4.7

Għal snin twal, l-OECD rawmet esperjenza speċifika dwar ix-xogħol mhux iddikjarat (18) u għaldaqstant il-KESE jqis li l-OECD għandha tiġi mistiedna tipparteċipa fil-pjattaforma Ewropea, bħala osservatur.

4.8

Il-monitoraġġ tal-attività tal-pjattaforma, barra milli jkun kontinwu, u ma jkunx limitat għal valutazzjoni kull erba' snin, għandu jiżgura l-parteċipazzjoni reali ta' valutaturi esterni fl-għażla tal-indikaturi tar-riżultati u tal-inċidenza u fil-fażi tal-valutazzjoni tal-programm tal-pjattaforma.

Brussell, 10 ta' Settembru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2007) 628.

(2)  COM(2014) 221 final.

(3)  Parlament Ewropew (2013) Social protection rights of economically dependent self-employed workers. Studju; Floren, B. (2013), Fake Self-employment in the EU – A comparison between the Netherlands and the UK. Università ta' Tilburg.

(4)  CES2063-2012_00_00_TRA_PA.

(5)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 14-19.

(6)  Floren, B. (2013) op.cit., is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea C-66/85 Judgment of 03/07/1986, Lawrie-Blum/Land Baden-Württemberg tat din id-definizzjoni ta' ħaddiem dipendenti: “persuna li twettaq, matul ċertu perijodu, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li għalihom hija titħallas”. Din id-definizzjoni, filwaqt li ġiet milqugħa f'sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea (Każijiet konġunti C-22/08 u C-23/08, Athanasios Vatsouras u Josif Koupatantze v Arbeitsgemeinschaft (ARGE) Nürnberg 900; C-268/99 Sentenza tal-20/11/2001, Jany u oħrajn) tistipola b'mod impliċitu l-kriterji sabiex jiġi identifikat – bl-esklużjoni – anke x-xogħol awtonomu. Prova ta' din hija li fis-sentenza diġà msemmija C-268/99, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea kienet iddikjarat b'mod espliċitu li: “kull attività li persuna twettaq barra minn din ir-relazzjoni subordinata trid tkun ikkwalifkata bħala attività mwettqa minn persuna li taħdem għal rasha”.

(7)  Kummissjoni Ewropea (2014), Undeclared work in the EU. Ewrobarometru Speċjali 402; A.T. Kearney, VISA, Schneider, F., (2013) The Shadow Economy in Europe (Mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Kummissjoni Ewropea (2014), Op.cit.; Kummissjoni Ewropea (2013), Employment and Social Development in Europe; Hazans, Mihails (2011), Informal Workers across Europe: Evidence from 30 European Countries. Bank Dinji; Koettl, Johannes; Packard, Truman; Montenegro, Claudio E. (2012), In From the Shadow: Integrating Europe's Informal Labor. Washington, DC: World Bank.

(9)  B'mod partikolari ssir referenza għal: Eurofound (2013), Tackling undeclared work in 27 European Union Member States and Norway Approaches and measures since 2008; Eurofound (2013) [b] Tackling undeclared work in Croatia and four EU candidate countries; Special Eurobarometer 402, Undeclared work in the European Union, Marzu 2014.

(10)  Eurofound (2013) [b].

(11)  Iċ-ċifri kollha ġejjin minn stħarriġ dirett, li kien ibbażat fuq intervisti wiċċ imb'wiċċ ma' ċittadini tal-UE. Fis-sens li l-għarfien, id-definizzjonijiet nazzjonali, it-trasparenza ta' xogħol mhux iddikjarat u l-fiduċja fl-intervistatur, huma fatturi importanti għaċ-ċittadini biex ikunu jistgħu jindikaw li jkunu wettqu jew ibbenefikaw minn xogħol mhux iddikjarat.

(12)  Ewrobarometru Speċjali 402, Undeclared work in the European Union, 2013.

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_402_en.pdf

(13)  COM(2014) 221 final.

(14)  Kummissjoni Ewropea, 2013, op.cit.

(15)  B'mod partikolari ara dawn id-dokumenti: COM(2010) 2020, COM(2012) 173, deċiżjoni 2010/707/UE tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2010, riżoluzzjoni tal-14 ta' Jannar 2014 adottata mill-Parlament Ewropew 2013/2112(INI)-14/01/2014.

(16)  ĠU C 177, 11.6.2014, p. 9-14.

(17)  Fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2014, il-pajjiżi li ġejjin irċevew rakkomandazzjonijiet speċifiċi ta' interventi biex jiġġieldu l-fenomenu tal-klandestinità: il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, ir-Rumanija u Spanja.

(18)  OECD, 2002, Measuring the Non-Observed Economy – A Handbook; OECD, 2014, The Non-Observed Economy in the System of National Accounts, Gyomai, G., van de Ven, P., Statistics Brief, No 18.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti:

Punt 1.5

Ibdel it-test kif ġej:

“Għalkemm i Il-KESE jinnota jagħraf li x-xogħol mhux iddikjarat u x-xogħol awtonomu li jiġi dikjarat b'mod falz, jiġifieri xogħol li filfatt mhuwiex awtonomu, huma żewġ kunċetti distinti., iqis li x-xogħol awtonomu falz għandu jiġi inkluż mal-forom tax-xogħol mhux iddikjarat li għandhom jiġu evitati, skoraġġuti u miġġielda mill-pjattaforma, minħabba l-konsegwenzi ħżiena li joħloq: i) fuq id-drittijiet u l-garanziji tal-ħaddiema; ii) fuq it-tħaddim normali tal-kompetizzjoni ħielsa tas-swieq; iii) fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-UE. Il-KESE diġà ġibed l-attenzjoni  (1) li ‘hemm ħtieġa għal evidenza aktar affidabbli’ f'dan il-qasam, fejn irrakkomanda li ‘l-indirizzar tal-problema speċifika tal-persuni li jaħdmu għal rashom tkun diskussa fid-djalogu soċjali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew u li l- organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fid-djalogu soċjali.’”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

107

Kontra

:

153

Astensjonijiet

:

12

Punt 1.5.1

Ibdel it-test kif ġej:

“Jittama li l-ħidma tal-pjattaforma – fir-rigward tan-normi u l-prattiki nazzjonali – tippermetti l-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għall-ħolqien ta' inizjattivi mmirati biex itejbu l-għarfien, jiżviluppaw l-iskambji ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki, sabiex jiġu promossi approċċi innovattivi u jiġu evalwati l-esperjenzi mġarrba , permezz ta' valutazzjoni tal-esperjenza li żviluppat fl-Istati Membri diversi, li jsiru passi lejn strateġija effikaċi għall-ġlieda kontra dan il-fenomenu, permezz tad-definizzjoni ta' x'inhu x-xogħol awtonomu falz. Jittama li l-ħidma tal-pjattaforma – fir-rigward tan-normi u l-prattiki nazzjonali – tippermetti l-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għall-ħolqien ta' inizjattivi mmirati biex itejbu l-għarfien, jiżviluppaw l-iskambji ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki, sabiex jiġu promossi approċċi innovattivi u jiġu evalwati l-esperjenzi mġarrba, permezz ta' valutazzjoni tal-esperjenza li żviluppat fl-Istati Membri diversi, li jsiru passi lejn strateġija effikaċi għall-ġlieda kontra dan il-fenomenu, permezz tad-definizzjoni ta' x'inhu x-xogħol awtonomu falz.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

113

Kontra

:

149

Astensjonijiet

:

10

Punt 1.6

Ibdel it-test kif ġej:

“għalkemm jaqbel għal kollox mal-funzjonijiet u l-ħidmiet tal-pjattaforma, jaħseb li l-mandat jista' jitwessa' biex jinkludi l-possibilità li jitfasslu rakkomandazzjonijiet dwar regolamenti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri individwali, b'mod li jiggarantixxi l-implimentazzjoni ta' strateġija iżjed effettiva (pereżempju billi tipproponi attivitajiet ta' kooperazzjoni transkonfinali iżjed inċiżivi fir-rigward tal-ispezzjonijiet ta' kontroll u l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat). jaqbel mal-funzjonijiet u l-kompiti tal-pjattaforma, billi dawn huma biss indikattivi;”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

114

Kontra

:

150

Astensjonijiet

:

9

Punt 2.1

Ibdel it-test kif ġej:

“Fil-livell tal-UE, ix-xogħol klandestin u mhux iddikjarat huwa definit bħala ‘kwalunkwe attività mħallsa li hija legali fin-natura tagħha imma mhux iddikjarata lill-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fis-sistema regolatorja tal-Istati Membri’  (2) . F'din id-definizzjoni jidħol ukoll ix-xogħol li jiġi ddikjarat b'mod falz, jew xogħol awtonomu falz, li jseħħ meta l-ħaddiem jiġi formalment iddikjarat bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu abbażi ta' kuntratt ta' forniment ta' servizzi, iżda filfatt fuq il-bażi tal-liġi u l-prattika nazzjonali huwa ħaddiem dipendenti  (3).

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

104

Kontra

:

142

Astensjonijiet

:

6

Punt 2.2

Ibdel it-test kif ġej:

“Ix-xogħol mhux iddikjarat u x-xogħol awtonomu dikjarat b'mod falz huma aspetti differenti ta' fenomenu li għandu effetti negattivi kemm fuq id-drittijiet u l-garanziji tal-ħaddiema, fuq l-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni fis-suq ħieles u fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-UE. Ix-xogħol awtonomu dikjarat b'mod falz huwa stabbilit mil-leġistazzjoni nazzjonali u mid-definizzjoni legali li tiddistingwi bejn l-impjieg bil-ħlas u x-xogħol awtonomu, u kull Stat Membru huwa responsabbli milli jadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex dan jikkonforma mal-obbligi tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali. Ix-xogħol awtonomu dikjarat b'mod falz ma jistax jiġi indirizzat fuq il-livell tal-UE mingħajr referenza għall-għadd ta' definizzjonijiet nazzjonali u status ta' xogħol awtonomu differenti. Il-ġlieda kontra L-inklużjoni tax-xogħol awtonomu falz, fost it-tipi ta' xogħol mhux iddikjarat li għandhom jiġu indirizzati bil-pjattaforma, hija kompletament koerenti hija meħtieġa, billi dawn huma tipi ta' irregolaritajiet li qed jiżdiedu u jikbru b'rabta mat-terzjarizzazzjoni tax-xogħol mhux iddikjarat, u li jidditerminaw għall-ħaddiema kondizzjonijiet ta' nuqqas ta' drittijiet u garanziji, li jistgħu jitqabblu ma' kriterji li jiddistingwu x-xogħol mhux iddikjarat6.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

112

Kontra

:

142

Astensjonijiet

:

10

Punt 2.2.1

Ibdel it-test kif ġej:

“Kif diġà ġie notat mill-KESE4, bħalissa m'hemmx definizzjoni ċara tal-kategorija tax-xogħol awtonomu fil-livell Ewropew u, għalhekk, kull awtorità kompetenti tirreferi għall-qafas regolatorju nazzjonali u b'hekk huwa diffiċli li tiġi implimentata strateġija ta' skoraġġiment tal-fenomenu tax-xogħol awtonomu dikjarat b'mod falz – fil-livell Ewropew – b'mod partikolari fil-kuntesti ta' xogħol transkonfinali. Il-KESE enfasizza li  (4) : ‘L-impjieg indipendenti jvarja minn Stat Membru għal ieħor’ u ‘Jeżistu definizzjonijiet differenti mhux biss fid-diversi pajjiżi Ewropej (9), imma wkoll fil-liġi tal-UE’.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

115

Kontra

:

151

Astensjonijiet

:

5

Punt 2.2.2

Ibdel it-test kif ġej:

“F'dan il-kuntest, il-KESE diġà ddikjara li huwa favur opportunitajiet biex issir valutazzjoni tal-esperjenzi diversi fl-Istati Membri differenti, sabiex wieħed ikun jista' jislet sensiela ta' konklużjonijiet u jifformula rakkomandazzjonijiet għal strateġija effikaċi għall-ġlieda kontra x-xogħol awtonomu falz jew li jiġi ddikjarat b'mod falz. Fl-Opinjoni "L-abbuż mill-istatus ta' persuna li taħdem għal rasha"5, il-KESE enfasizzal-bżonn li nadottaw standards affidabbli permezz ta' definizzjoni ta' ħaddiem awtonomu falz li tkun tista' tiggarantixxi li l-ħaddiema awtonomi u l-mikrointrapriżi awtentiċi jkunu mħarsa minn riskji ta' kompetizzjoni mhux ġusta tas-swieq li ‘Hemm ħtieġa għal evidenza aktar affidabbli biex jiġi evalwat in-numru ta’ ħaddiema milquta u l-aktar fruntieri kritiċi. Għalhekk hija meħtieġa aktar riċerka professjonali.’ Hija kompliet billi rrakkomandat li ‘l-indirizzar tal-problema speċifika tal-persuni li jaħdmu għal rashom tkun diskussa fid-djalogu soċjali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew u li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fid-djalogu soċjali’.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

113

Kontra

:

156

Astensjonijiet

:

9

Punt 3.3

Ibdel it-test kif ġej:

“Il-proposta għandha tkun konformi li l-pjattaforma Ewropea tirrispetta, u trid tkompli tirrispetta għal kollox mal-acquis Komunitarju u ma il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità li jorbtu lill-UE għandha tintlaqa' b'mod favorevoli.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

105

Kontra

:

152

Astensjonijiet

:

13


(1)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 14-19.

(2)  COM(2007) 628.

(3)  COM(2014) 221 final.

(4)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 14-19.


19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 458/52


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi projbizzjoni fuq is-sajd bix-xbieki tas-sajd bl-għeżula tat-tisqif, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 812/2004, (KE) Nru 2187/2005, (KE) Nru 1967/2006 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 894/97” —

COM(2014) 265 final – 2014/0138 (COD)

(2014/C 458/09)

Relatur:

is-Sur McDonogh

Nhar it-22 ta’ Mejju 2014, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi projbizzjoni fuq is-sajd bix-xbieki tas-sajd bl-għeżula tat-tisqif, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 812/2004, (KE) Nru 2187/2005 u (KE) Nru 1967/2006 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 894/97

COM(2014) 265 final – 2014/0138 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Lulju 2014.

Matul il-501 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-10 u l-11 ta’ Settembru 2014 (sessjoni tal-10 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’150 vot favur, vot wieħed (1) kontra u żewġ (2) astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kummissjoni għandha tintroduċi projbizzjoni sħiħa tas-sajd bix-xbieki tas-sajd bl-għeżula tat-tisqif billi jagħmel tant ħsara lill-ambjent u billi l-monitoraġġ ta' dan is-settur fl-Istati Membri kollha huwa dgħajjef.

1.2

Il-Kumitat huwa konxju tal-fatt li din il-projbizzjoni tolqot ħażin l-impjieg f'ċerti Stati Membri. Bħala korp tas-soċjetà ċivili nixtiequ nesprimu t-tħassib tagħna dwar kwalunkwe telf ta' dħul u nħeġġu lill-Kummissjoni ssib miżuri adegwati sabiex issolvi dil-problema.

1.3

Il-Kumitat jipproponi l-użu tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd sabiex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni lejn metodi ta' sajd oħra.

2.   Sfond

2.1

Il-Kummissjoni beħsiebha temenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 812/2004, (KE) Nru 2187/2005 u (KE) Nru 1967/2006 u li tħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 894/97.

2.2

Fil-bidu tas-snin 90, wara r-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU), li talbu li jsir moratorju fir-rigward tas-sajd pelaġiku fuq skala kbira bix-xbieki tas-sajd bl-għeżula tat-tisqif f'ibħra internazzjonali, l-UE żviluppat leġiżlazzjoni dwar is-sajd bl-għażel tat-tisqif.

2.3

Madankollu, il-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE dwar ix-xbieki tas-sajd bl-għeżula tat-tisqif wera xi nuqqasijiet minħabba li r-regoli eżistenti huma faċli biex wieħed jevitahom. In-nuqqas ta’ regoli tal-UE dwar il-karatteristiċi tat-tagħmir (eż. id-daqs massimu tal-malji, il-ħxuna massima tal-ispag, il-proporzjon ta' kif jiddendlu u jinfetħu x-xbieki, eċċ.) u l-użu tat-tagħmir (eż. id-distanza massima mill-kosta, iż-żmien fl-ilma, l-istaġun tas-sajd eċċ.) flimkien mal-possibbiltà li jinżamm abbord tagħmir ieħor tas-sajd, għamluha possibbli għas-sajjieda li dawn jużaw ix-xbieki tas-sajd bl-għeżula tat-tisqif b'mod illegali biex jaqbdu speċijiet li mhux suppost jinqabdu b’tagħmir tas-sajd ta' dan it-tip, filwaqt li jiddikjaraw li l-ħut ikun inqabad bl-użu ta' tagħmir ta' tip ieħor (eż. konzijiet, eċċ.). Kooperazzjoni bejn sajjieda li jaħdmu flimkien tista' faċilment twassal għall-użu ta' tagħmir ħafna itwal minn 2,5 km.

2.4

Ġew irrapurtati qabdiet inċidentali (jew riskju għoli ta' interazzjonijiet) ta' speċi protetti bħal storjuni, fkieren tal-baħar, għasafar tal-baħar u ċetaċji.

2.5

Barra minn hekk kull sena fil-baħar jintilef ammont kbir ta' għażel tat-tisqif b'mod partikolari matul tempesti ħorox. Billi x-xbieki magħmula minn materjal sintetiku reżistenti ħafna għad-degradazzjoni, ikomplu jaqbdu l-ħut, klieb il-baħar, mammiferi, għasafar, fkieren u kreaturi oħra għal ħafna snin tant li jissejħu xbieki fantażma. Ftit li xejn magħrufa l-firxa ta' konsegwenzi ta' din il-problema iżda hija bla dubju kawża importanti tal-qerda tal-ħajja ta' annimali marittimi bħas-salamun selvaġġ tal-Baltiku, it-tonn, il-klamar u l-pixxispad.

2.6

Għalhekk huwa ċar li hemm problemi ambjentali u ta' konservazzjoni relatati mal-użu ta' dan l-irakptu.

2.7

Għal ħafna mis-sajjieda, is-sajd bix-xbieki tas-sajd bl-għeżula tat-tisqif jirrappreżenta biss ftit xhur ta’ attività ta' sajd kull sena, u ċerti sajjieda jipprattikaw dan it-tip ta' sajd għal inqas minn nofs xahar fis-sena. Għalhekk il-projbizzjoni totali tal-użu tax-xbieki tas-sajd bl-għeżula tat-tisqif mhijiex mistennija li twassal għal tnaqqis korrispondenti fl-għadd ta' sajjieda li beħsiebhom ikomplu l-operat tagħhom bl-użu ta' tipi oħra ta' tagħmir skont kif diġà huma awtorizzati li jagħmlu bil-liċenzja tas-sajd tagħhom.

Brussell, 10 ta' Settembru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 458/54


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Green Paper dwar is-saħħa mobbli (mobile Health – ‘mHealth’)”

COM(2014) 219 final

(2014/C 458/10)

Relatur:

is-Sinjura Caño AGUILAR

Nhar l-10 ta' April 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar is-saħħa mobbli (mobile Health – “mHealth”)

COM(2014) 219 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Settembru 2014.

Matul il-501 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Settembru 2014 (seduta tal-10 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'180 vot favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tas-saħħa mobbli, li taqdi diversi funzjonijiet marbutin mal-kura tas-saħħa u hija teknoloġija tal-futur li kulma jmur qed tinfirex mad-dinja kollha.

1.2

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Green Paper minħabba l-kontribut li s-saħħa mobbli tista' tagħti lis-sistemi Ewropej tal-kura tas-saħħa, li qed jiffaċċjaw sfidi dejjem jikbru, bħat-tibdil demografiku.

1.3

Fil-fehma tal-KESE, il-prijorità għandha tkun it-titjib tal-kura tas-saħħa, mhux it-tnaqqis tal-ispejjeż. Is-suċċess tas-saħħa mobbli jitlob il-parteċipazzjoni tal-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa, djalogu mal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u mal-industrija, it-trawwim ta' fiduċja reċiproka bejn il-pazjenti u l-professjonisti u l-introduzzjoni ta' inċentivi u pjani għat-taħriġ tal-professjonisti. Għandu jiġi stabbilit ukoll djalogu mal-industrija tas-settur.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda li jitwettqu kampanji ta' informazzjoni dwar l-aspetti kollha marbutin mas-saħħa mobbli.

1.5

Il-qafas legali l-ġdid itejjeb b'mod sostanzjali l-protezzjoni tad-data personali b'konformità mal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali, iżda għad ma hemmx teknoloġija bil-kapaċità li twaqqaf l-aċċess mhux xieraq għall-komunikazzjonijiet mobbli.

1.6

L-hekk imsejħa “big data” hija fundamentali għar-riċerka medika. Il-KESE huwa tal-fehma li: a) għandu jinżamm l-anonimat tal-pazjenti; b) huwa tajjeb li jiġu promossi l-programmi tal-estrazzjoni tad-data; c) għandha tiġi kkunsidrata l-projbizzjoni li tiġi brevettata u kkumerċjalizzata l-“big data”; u d) jinħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti teknoloġija u regoli dwar il-metadata.

1.7

Jeħtieġ li jiġu rregolati permezz ta' Regolament: a) “il-kura tas-saħħa”, b'konformità mad-Direttiva 2011/24/UE, b) l-apps tas-sigurtà u l-benesseri u c) il-kura tas-saħħa transkonfinali, li mhijiex prevista fir-regoli attwali.

1.8

Ir-regoli għandhom jistabbilixxu l-istandardizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-approvazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet tas-sistemi tas-saħħa mobbli u l-benesseri.

1.9

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra t-twaqqif ta' strateġiji nazzjonali vinkolanti biex jiżguraw l-ugwaljanza fl-aċċess għall-kura tas-saħħa mobbli.

1.10

L-interoperabbiltà teknika u semantika fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea għall-Interoperabbiltà hija ta' importanza kbira għall-użu fuq skala wiesgħa tas-saħħa mobbli.

1.11

L-għarfien adegwat tar-regolazzjoni u l-użu ta' apparat iċċertifikat ser jikkontribwixxi biex tkun attenwata r-responsabbiltà tal-manifatturi u l-professjonisti mediċi.

1.12

Il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tas-saħħa mobbli, bl-inklużjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), għandha tipprijoritizza l-ħolqien ta' lista ta' applikazzjonijiet ta' użu mediku, il-prinċipji etiċi, il-protezzjoni tad-data u l-interoperabbiltà. Għandha tiġi kkunsidrata l-inklużjoni tas-saħħa mobbli fl-aġenda għan-negozjar tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment bejn l-Istati Uniti u l-UE.

1.13

Jeħtieġ li tiġi indirizzata t-tneħħija tal-ostakli regolatorji, ekonomiċi, strutturali u teknoloġiċi li jagħmlu ħsara lill-industrija Ewropea. L-SMEs għandhom rwol importanti x'jaqdu fis-saħħa mobbli.

2.   Il-kontenut tal-Green Paper

2.1

Skont il-WHO, is-saħħa mobbli hija l-prattika tal-mediċina u l-prestazzjoni ta' servizzi tal-kura tas-saħħa permezz ta' apparat mobbli, bħall-mowbajls, apparat għall-monitoraġġ tal-pazjent, assistenti diġitali personali (PDAs), u apparat ieħor mingħajr wajers.

2.2

Is-saħħa mobbli għandha potenzjal fil-qasam tal-kura tas-saħħa b'enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni u l-kwalità tal-ħajja, kura tas-saħħa iżjed effettiva u sostenibbli u pazjenti iżjed awtonomi u attivi.

2.3

Peress li żdied l-għadd tal-utenti tal-apparat mobbli (6  000 miljun persuna fid-dinja kollha), is-saħħa mobbli għandha wkoll potenzjal ta' suq (stmat għal USD 23  000 miljun sal-2017).

2.4

Sal-2017, fl-UE jistgħu jiġu ffrankati spejjeż marbutin mal-kura tas-saħħa ta' EUR 99  000 miljun.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tas-saħħa mobbli, li taqdi diversi funzjonijiet marbutin mal-kura tas-saħħa u li hija teknoloġija tal-futur li kulma jmur qed tinfirex mad-dinja kollha.

3.2

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Green Paper, li fiha jiġi analizzat kif is-saħħa mobbli tikkontribwixxi għat-titjib tas-sistemi Ewropej tal-kura tas-saħħa, li qed jiffaċċjaw sfidi dejjem ikbar minħabba t-tibdil demografiku u l-bżonn li tiġi indirizzata l-kura ta' mard kroniku, l-obesità (problema li qed tikber fl-UE) u t-tipjip, fost affarijiet oħra.

3.3

Għalkemm l-UE ser taqdi rwol importanti ta' koordinazzjoni u appoġġ, il-KESE jfakkar li r-responsabbiltà għat-twaqqif u l-ġestjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa hija tal-Istati Membri, li bosta minnhom għandhom limitazzjonijiet baġitarji serji.

3.4

Fil-pajjiżi żviluppati, ir-raġuni prinċipali għall-użu mifrux tas-saħħa mobbli hija “l-urġenza” li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa. Madankollu, fil-fehma tal-KESE, il-prijorità għandha tkun it-titjib tal-kura tas-saħħa taċ-ċittadini.

3.5

Suġġerimenti tal-KESE għas-suċċess tas-saħħa mobbli:

il-parteċipazzjoni tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa fil-ħolqien tagħha;

djalogu mal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti;

djalogu mal-industrija li tipproduċi l-apps;

taħriġ inizjali u kontinwu tal-persunal tal-kura tas-saħħa fl-użu tat-teknoloġija mobbli, u l-introduzzjoni ta' inċentivi biex jiġu motivati;

it-trawwim tal-fiduċja reċiproka bejn il-pazjenti u l-professjonisti, waqt li jiġu evitati r-riskju tal-“impersonalità” u n-nuqqas ta' attenzjoni lill-fatturi psikoloġiċi u soċjali (1).

3.6

Il-KESE jirrakkomanda li jitwettqu kampanji ta' informazzjoni għaċ-ċittadini dwar is-saħħa mobbli, li għandhom isemmu wkoll il-limiti tagħha u l-bżonn li jsir użu xieraq mill-apparat tas-saħħa u l-benesseri. Iċ-ċittadini għandhom ikunu jafu li daqs kemm hemm riskji hemm ukoll opportunitajiet ġodda.

3.7

Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-effetti tal-miżuri ta' awsterità u t-tnaqqis tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa bil-għan li jitnaqqas l-infiq tal-isptarijiet. Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li ma jiddgħajfux is-sistemi pubbliċi ta' solidarjetà kollettiva.

4.   Kummenti speċifiċi. Tweġibiet għall-mistoqsijiet

4.1   Sigurtà tad-data

4.1.1   Liema salvagwardji ta' sigurtà speċifiċi fis-soluzzjonijiet tal-mHealth jistgħu jgħinu jevitaw proċessar bla bżonn u mhux awtorizzat ta' data f'kuntest tal-mHealth?

4.1.2

In-nuqqas ta' sigurtà huwa ostaklu għall-użu mifrux tas-saħħa mobbli.

4.1.3

Ma hemmx soluzzjonijiet li jistgħu “jimpedixxu” l-aċċess mhux xieraq għad-data dwar is-saħħa, għalkemm il-mekkaniżmi tal-kriptaġġ u l-awtentikazzjoni jistgħu jtaffu r-riskju sa ċertu punt. Fis-suq huma disponibbli teknoloġiji tal-protezzjoni tad-data, iżda ma hemm l-ebda garanzija li huma affidabbli.

4.1.4

Il-qafas legali attwali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (2) qed jiġi rivedut (3). Ir-regolazzjoni l-ġdida, li huwa previst li tidħol fis-seħħ fl-2015, timplika titjib sostanzjali fir-rigward tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali minqux fil-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali (Artikolu 8) u fit-TFUE (Artikolu 16(2)) (4).

4.1.5

Il-KESE huwa tal-fehma li:

It-twaqqif ta' teknoloġiji effettivi għall-protezzjoni tad-data jitlob iżjed investiment u riċerka pubbliċi u privati. It-tielet pilastru tal-Aġenda Diġitali (fiduċja u sigurtà) għandu jwassal għall-progress f'dan il-qasam.

Għalkemm id-data medika u dik dwar il-benesseri hija inkluża fir-regoli ġenerali, ikun tajjeb li tiġi kkunsidrata l-inklużjoni ta' kapitolu speċifiku dwar din il-kwistjoni.

L-UE għandha tħabrek biex l-istandard tas-sigurtà ISO 27011 jiġi adottat fil-livell dinji.

4.1.6   Kif jistgħu l-iżviluppaturi tal-apps jimplimentaw il-prinċipji ta' “minimizzazzjoni tad-data”, “protezzjoni tad-data mid-disinn”, u “protezzjoni tad-data b'mod awtomatiku” fl-apps tal-mHealth?

4.1.7

Il-prinċipji msemmija jiġu indirizzati b'mod adegwat fil-leġislazzjoni futura, iżda l-importanti hu li jiġi żgurat li tiġi implimentata bis-sħiħ. Rigward il-“minimizzazzjoni” tad-data, l-iżviluppaturi tal-apps għandhom ikunu trasparenti fir-rigward tal-prodotti li joffru.

4.2   “Big data

4.2.1   Liema huma l-miżuri meħtieġa biex il-potenzjal tal-“Big Data” ġġenerata mill-mHealth fl-UE jintlaħaq bis-sħiħ filwaqt li jikkonforma mar-rekwiżiti legali u etiċi?

4.2.2

Il-“big data”, li l-volum tagħha qed jikber kontinwament, taqdi rwol fundamentali fir-riċerka u l-prattika medika.

4.2.3

Il-KESE huwa tal-fehma li:

peress li l-fiduċja tal-pazjenti hija assolutament essenzjali, għandhom jiġu pprovduti b'informazzjoni adegwata dwar l-użu tad-data;

taħt kull ċirkustanza, għandu jiġi rispettat l-anonimat tal-pazjenti;

huwa utli li l-programmi ta' riċerka ffinanzjati mill-UE jkollhom fost l-għanijiet tagħhom l-iżvilupp ta' teknoloġiji għall-estrazzjoni ta' data medika;

għandu jiġi kkunsidrat li l-“big data” tkun projbita milli tiġi bbrevettata jew użata fi tranżazzjonijiet kummerċjali;

il-“big data” għandha tkun liberament disponibbli għas-servizz tal-komunità xjentifika; u

jeħtieġ ukoll li jitwaqqfu teknoloġiji u regoli dwar il-metadata.

4.3   Il-qafas legali

4.3.1   Ir-rekwiżiti tas-sikurezza u tal-prestazzjoni tal-apps tal-istil ta' ħajja u benesseri huma koperti b'mod adegwat mill-qafas legali attwali tal-UE?

4.3.2

Il-qafas legali attwali dwar l-“apparat mediku” (5) qed jiġi rivedut. Il-Kummissjoni stabbilixxiet ċerti linji gwida maħsuba għall-iżviluppaturi ta' softwer u manifatturi ta' apparat dwar x'jista' u x'ma jistax jiġi inkluż, b'konformità mar-regoli fis-seħħ.

4.3.3

Ma teżistix definizzjoni ta' “sistema” iżda hemm rekwiżiti speċifiċi għall-prodotti kummerċjalizzati fis-suq li jużaw taħlita ta' apparat inkluż u mhux inkluż fir-regoli.

4.3.4

Lanqas ma hemm distinzjoni ċara bejn l-apparat maħsub għall-benesseri biss (mobile wellness apps) u dawk ta' natura esklużivament medika (mobile medical apps).

4.3.5

Għaldaqstant, jeħtieġ li:

permezz ta' regolamenti, jiġu rregolati a) is-saħħa mobbli b'konformità mad-definizzjoni diġà stabbilita ta' “kura tas-saħħa” (6) u b) l-apps dwar is-sigurtà u l-benesseri;

tiġi kkunsidrata l-kura tas-saħħa transkonfinali, fid-dawl tal-fatt li mhijiex prevista fir-regolamentazzjoni attwali;

għanijiet: a) tingħata ċertezza legali lill-manifatturi; b) jingħataw garanziji lill-professjonisti u lill-utenti; u c) tiġi evitata l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti ineffettivi jew li jagħmlu ħsara.

4.3.6   Hemm bżonn li jissaħħaħ l-infurzar tal-leġislazzjoni tal-UE applikabbli għall-mHealth mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-qrati; jekk iva, għaliex u kif?

4.3.7

Iva, biex jiġi żgurat użu effettiv tas-saħħa mobbli. Il-monitoraġġ tal-infurzar tal-leġislazzjoni huwa kompitu kumpless meta wieħed iqis li hemm 'il fuq minn 40  000 apparat dwar is-saħħa u l-benesseri. Għalhekk, huwa fundamentali li l-kompiti jiġu kkoordinati u mqassmin bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

4.4   Is-sikurezza tal-pazjent u t-trasparenza tal-informazzjoni

4.4.1   Liema azzjoni ta' politika għandha tittieħed, jekk ikun hemm, biex tiġi żgurata/verifikata l-effikaċja tas-soluzzjonijiet tal-mHealth?

4.4.2

Fir-rigward tal-apps, għandu jkun hemm regoli obbligatorji dwar:

l-istandardizzazzjoni,

iċ-ċertifikazzjoni, u

l-approvazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet.

4.4.3   Kif jista' jiġi żgurat użu sikur tas-soluzzjonijiet tal-mHealth għaċ-ċittadini biex jivvalutaw is-saħħa u l-benesseri tagħhom?

4.4.4

L-apps dwar il-benesseri personali (personal wellbeing apps) għandhom jissodisfaw l-istess rekwiżiti li jissodisfaw l-apps bi skop mediku, peress li fihom ukoll informazzjoni dwar is-saħħa tal-persuna.

4.5   Ir-rwol tas-saħħa mobbli fis-sistemi tal-kura tas-saħħa u aċċess ugwali.

4.5.1   Hemm evidenza dwar it-teħid ta' soluzzjonijiet tal-mHealth fi ħdan is-sistemi tas-saħħa tal-UE? Jeżistu xi prattiki tajbin fl-organizzazzjoni tal-kura tas-saħħa għat-tkabbir tal-użu tal-mHealth għal kura ta’ kwalità ogħla (eż. linji gwida kliniċi għall-użu tal-mHealth)? Hemm evidenza tal-kontribuzzjoni li l-mHealth tista' tagħti biex tillimita jew tnaqqas l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa fl-UE?

4.5.2

Ir-rapport tal-PwC ikkwotat mill-Kummissjoni jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn ta' “aktar evidenza” dwar il-benefiċċji ekonomiċi u kliniċi tas-saħħa mobbli fuq perjodu twil ta' żmien (p. 21).

4.5.3   Liema azzjoni ta' politika tista' tkun xierqa, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali, biex tippromovi aċċess u aċċessibbiltà ugwali għall-kura tas-saħħa permezz tal-mHealth?

4.5.4

Skont it-Trattati u l-valuri komuni tal-UE, il-Kummissjoni għandha tħejji l-azzjonijiet ta' politika favur aċċess ugwali għas-saħħa mobbli, u tobbliga lill-Istati Membri jħejju strateġiji nazzjonali dwar servizzi fil-qasam tat-telesaħħa li jindirizzaw ukoll l-aċċess ugwali.

4.5.5

Is-saħħa mobbli għandha tagħmel parti integrali mis-sistema tal-kura tas-saħħa, li tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha u mhux biss għal dawk b'livell ta' edukazzjoni ogħla jew b'iżjed riżorsi finanzjarji.

4.5.6

Il-KESE jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu li l-implimentazzjoni tas-saħħa mobbli tista' żżid l-inugwaljanza fl-aċċess għall-kura tas-saħħa għar-raġunijiet li ġejjin, fost l-oħrajn:

id-distakk diġitali;

l-inugwaljanza fid-disponibbiltà tal-broadband fir-reġjuni;

in-nuqqas ta' miżuri speċifiċi għall-persuni b'diżabbiltajiet differenti;

il-prezz għali tal-apparat meħtieġ mill-pazjenti (smartphones, tablets, eċċ.).

4.5.7

Sabiex is-saħħa mobbli tkun disponibbli fuq skala wiesgħa, huwa kruċjali li jittieħdu miżuri li jiffavorixxu l-inklużjoni fis-soċjetà diġitali u li jiġu mmirati persuni li l-iżjed li għandhom bżonn tal-kura tas-saħħa bi prezz raġonevoli, bħall-persuni mdaħħlin fl-età, dawk li jbatu minn mard kroniku u l-persuni b'diżabbiltà.

4.6   Interoperabbiltà

4.6.1   Taħseb li hemm iktar x'jista' jsir, barra mill-azzjonijiet proposti mill-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020, sabiex tiżdied l-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet tal-mHealth?

4.6.2

Għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi affidabbli u siguri għat-trażmissjoni tad-data medika permezz ta' apparat mediku.

4.6.3   Taħseb li hemm bżonn ta' ħidma għall-interoperabbiltà tal-applikazzjonijiet tal-mHealth ma' Reġistri tas-Saħħa Elettroniċi?

4.6.4

Iva. Il-volum tad-data dwar is-saħħa qed jirdoppja kull 18-il xahar, u dan ir-ritmu ta' tkabbir ifisser li l-istandards huma kruċjali. L-istandards għandhom funzjonijiet differenti fl-oqsma differenti tal-kura tas-saħħa, iżda l-istandards tal-interoperabbiltà huma fundamentali għall-ħolqien ta' interfaċċi li jistgħu jintużaw bejn sistemi diversi.

4.6.5

Huwa importanti li tissokta l-kwistjoni semantika fil-qafas tas-SNOMED CT (Systematized Nomenclature of Medicine – Clinical Terms).

4.6.6   U jekk iva, min għandu jaħdem fuqha u kif?

4.6.7

L-Istrateġija Ewropea għall-Interoperabbiltà, li fiha jieħdu sehem il-Kummissjoni u l-Istati Membri (li wħud minnhom diġà stabbilixxew standards f'dan il-qasam) tidher li hija l-iżjed qafas adatt.

4.7   Responsabbiltà

4.7.1   Liema rakkomandazzjonijiet għandhom isiru lill-manifatturi tal-mHealth u lill-professjonisti tas-saħħa biex tgħinhom itaffu r-riskji li jistgħu jirriżultaw mill-użu u l-preskrizzjoni ta' soluzzjonijiet tal-mHealth?

4.7.2

Il-leġislazzjoni applikabbli. Responsabbiltà (kuntrattwali jew mhux kuntrattwali) fil-każ tal-kura medika transkonfinali: il-leġislazzjoni tal-Istat Membru tat-trattament (Direttiva 2011/24/UE, Artikolu 4(1)). Fir-rigward ta’ prodotti difettużi: id-Direttiva 85/374/KEE, li tistabbilixxi l-prinċipju tar-responsabbiltà oġġettiva.

4.7.3

Il-professjonisti tal-kura tas-saħħa: għandhom jirrispettaw il-protokolli stabbiliti u jużaw apparat u proċeduri ċertifikati. Il-manifatturi: għandu jkollhom għarfien adegwat tal-esiġenzi legali. Fiż-żewġ każijiet li huma, għandu jiġi stabbilit min ser iġarrab l-ispejjeż tal-assigurazzjoni.

4.8   Ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-saħħa mobbli

4.8.1   Tista’ tissuġġerixxi suġġetti speċifiċi għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell tal-UE u prijoritajiet fid-distribuzzjoni tal-mHealth?

4.8.2

Fil-livell tekniku, il-programmi eżistenti tal-Orizzont 2020 ikopru l-oqsma prinċipali tar-riċerka.

4.8.3

Il-KESE jissuġġerixxi li jiġi analizzat ukoll l-impatt soċjali tas-saħħa mobbli, l-iżjed fil-każ tal-persuni mdaħħlin fl-età, il-persuni b'diżabbiltà, l-immigranti u l-persuni b'riżorsi limitati.

4.8.4   Kif taħseb li applikazzjonijiet li jaħdmu bis-satellita bbażati fuq is-sistemi tan-navigazzjoni tal-UE (EGNOS u Galileo) jistgħu jgħinu d-distribuzzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi tal-mHealth?

4.8.5

Indubbjament, il-progress fil-ġeolokalizzazzjoni u t-titjib fil-komunikazzjoni ser itejbu l-effettività tas-saħħa mobbli.

4.9   Kooperazzjoni internazzjonali

4.9.1   Liema kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati (bħala prijorità) fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali biex jiżdied l-użu tal-mHealth u kif? Liema prattiki tajbin fi swieq ewlenin oħrajn (eż. l-Istati Uniti u l-Asja) jistgħu jiġu implimentati fl-UE biex jippromovu l-użu tal-mHealth?

4.9.2

In-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment bejn l-Istati Uniti u l-UE, mibdija f'Lulju 2013, għandhom jinkludu s-saħħa mobbli fl-aġenda.

4.9.3

Dawn li ġejjin huma kwistjonijiet prijoritarji fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali, bil-parteċipazzjoni tal-WHO:

lista aġġornata regolarment tal-apps li huma kkunsidrati bħala li għandhom skop mediku;

il-prinċipji etiċi;

il-protezzjoni tad-data b'konformità mal-istandard ISO 27001;

l-interoperabbiltà.

4.10   L-aċċess tal-intraprendituri tal-internet fis-suq tal-mHealth. Is-suq tal-apps

4.10.1   Hija problema għall-intraprendituri tal-internet biex jaċċessaw is-suq tal-mHealth? Jekk iva, x'inhuma l-isfidi li jiffaċċjaw? Kif jistgħu jiġu indirizzati dawn l-isfidi u minn min? Jekk meħtieġ, kif tista' l-Kummissjoni tippromovi l-involviment tal-industrija u l-intraprendituri fl-mHealth, eż. permezz ta' inizjattivi bħal “Startup Europe” jew tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar tixjiħ attiv u b'saħħtu?

4.10.2

L-industrija qed tiffaċċja għadd ta' ostakli:

ostakli regolatorji (nuqqas ta' ċarezza fil-leġislazzjoni);

ostakli ekonomiċi (hemm bżonn ta' iżjed riċerka dwar il-benefiċċji għas-sistema tal-kura tas-saħħa u jeħtieġ li tinbidel is-sistema tal-inċentivi għas-saħħa);

ostakli strutturali (nuqqas ta' integrazzjoni fil-livelli differenti tal-amministrazzjoni tal-kura tas-saħħa); u

ostakli teknoloġiċi (standards tal-kwalità, sistemi ta' ċertifikazzjoni, interoperabbiltà).

4.10.3

Il-problemi għandhom jiġu indirizzati skont il-livell tal-kompetenzi:

l-Istati Membri, għall-organizzazzjoni tas-sistema tal-kura tas-saħħa fir-reġjuni differenti tagħhom;

l-UE għall-frammentazzjoni tas-suq u n-nuqqas ta' ċarezza leġislattiva.

4.10.4

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu appoġġjati l-SMEs Ewropej, peress li jistgħu jaqdu rwol fundamentali fis-suq tas-saħħa mobbli.

4.10.5

L-istart-ups fl-Ewropa jitolbu sorsi aħjar ta' finanzjament, permezz tal-mezzi tradizzjonali (il-banek) u dawk mhux tradizzjonali (il-“crowdfunding”[finanzjament kollettiv], fost affarijiet oħra). Il-finanzjament tar-riskju (previst fl-Orizzont 2020) u s-sistemi ta' sħubija pubblika-privata għandhom jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea.

Brussell, 10 ta' Settembru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Opinjoni dwar is-saħħa elettronika (TEN/509, 2013). ĠU C 271, 19.9.2013, p. 122

(2)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31

(3)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, COM(2012) 11; http://ec.europa.eu/justice/data-protection/document/review2012/com_2012_11_mt.pdf

(4)  Opinjoni tal-KESE SOC/455 tat-23 ta' Mejju 2012, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90

(5)  Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta' Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (ĠU L 169, 17.7.93, p. 1). Anke d-Direttiva 98/79/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 1998 dwar il-mezzi mediċi dijanjostiċi in vitro (ĠU L 331, 7.12.1998, p. 1). Direttiva tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 1990 dwar il-mezzi mediċi attivi li jiddaħħlu f’xi parti tal-ġisem (ĠU L 189, 20.7.1990, p. 17).

(6)  Ara l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2011/24/UE dwar il-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).


19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 458/61


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Istrateġija tas-Sigurtà Marittima tal-UE”

(2014/C 458/11)

Relatur:

Dr BREDIMA

Nhar l-20 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni Konġunta

Għal qasam marittimu globali miftuħ u sigur: elementi għal strateġija tas-sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea

JOIN(2014) 9 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Lulju 2014.

Matul il-501 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Settembru 2014 (seduta tal-11 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'142 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' t-turija tar-rieda politika tal-UE biex tqiegħed is-sigurtà marittima fil-quċċata tal-aġenda politika tagħha. Huwa jappoġġja l-Komunikazzjoni Konġunta dwar elementi ta' Strateġija tas-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea (EMSS) u l-approċċ olistiku tagħha biex tindirizza l-isfidi li jieħdu bosta forom mill-baħar. Is-soċjetà ċivili Ewropea hija direttament konċernata mill-EMSS. Il-KESE japprova approċċ transsettorjali strateġiku għas-sigurtà marittima li jibbaża fuq il-kisbiet eżistenti mingħajr ma' joħloq strutturi ġodda. Dan l-approċċ ser joħloq impjiegi li jikkonformaw mal-istrateġija ta' tkabbir Ewropa 2020 u ser jagħmel il-professjoni marittima aktar attraenti għall-baħħara.

1.2

Il-KESE japprova s-sinerġiji proposti bejn il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), il-Europol, il-FRONTEX, l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea (EDA), il-Persunal Militari tal-UE, id-Direttorat għall-Maniġġar tal-Kriżijiet u l-Ippjanar. Huwa jappoġġja t-tfittxija għas-sinerġiji transnazzjonali bejn l-attivitajiet marittimi filwaqt li jkun hemm konformitá mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Approċċ komprensiv tal-UE, li jinkludi fehim komuni tal-qagħda attwali, għandu jiżgura użu aktar effiċjenti ta' riżorsi permezz ta' koordinazzjoni aħjar tal-attivitajiet ta' sorveljanza.

1.3

Il-KESE jistieden lill-UE sabiex tagħmel aktar sforz biex taħdem aktar bir-riżorsi eżistenti tan-NATO. Huwa jilqa' r-riżultati pożittivi mill-kollokazzjoni tal-kwartieri ġenerali operattivi f'Northwood, u jipproponi kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-Kapijiet tal-Flotot Navali Ewropej (Chiefs of European Navies – CHENS), il-gwardji kostali u l-Forum tal-Funzjonijiet tal-Gwardji Kostali tal-UE fuq il-bażi tal-esperjenza tal-FRONTEX u n-Netwerk Ewropew tal-Pattulji.

1.4

Il-KESE jilqa' l-inizjattiva ta' “akkomunament u kondiviżjoni” għall-użu kondiviż tal-kapaċitajiet ta' tagħmir u l-impenn militari/ċivili. Dan ser jeħtieġ il-kompatibbiltà tal-istandards tal-kapaċitajiet marittimi u navali. Il-kooperazzjoni u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri ser tgħin biex jiġi ottimizzat l-użu tal-infrastruttura disponibbli u tiġi żgurata l-kosteffiċjenza.

1.5

Ir-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni UNCLOS tal-1982 u l-Konvenzjoni dwar it-Trażżin ta' Atti Kontra l-Liġi tal-1988 (SUA) mill-Istati Membri tal-UE u pajjiżi oħra madwar id-dinja ser jipprovdu l-bażi legali għall-prosekuzzjoni. Il-KESE jtenni l-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet tagħha li jirrigwardaw is-sigurtà marittima.

1.6

Għandha tiġi intensifikata l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sigurtà fuq il-Bastimenti u fil-Portijiet (ISPS) fil-portijiet tal-UE u fil-portijiet ta' pajjiżi terzi (pereżempju fl-Afrika tal-Punent) bħala mezz ta' prevenzjoni tal-piraterija, serq armat u inċidenti ta' serq tal-merkanzija. Il-konformità tal-ISPS hija meħtieġa għall-iskennjar tal-kontejners li jistgħu jaġixxu ta' Żwiemel ta' Trojja fil-portijiet.

1.7

Il-KESE jtenni l-ħtieġa għal traċċar aktar sistematiku tal-flussi finanzjarji tal-piraterija u ta' attivitajiet illegali oħra fuq il-baħar b'kollaborazzjoni man-NU, in-NATO u l-Istati Uniti.

1.8

Hemm ħafna tħassib dwar l-introduzzjoni fil-ħin u d-disponibbiltà mad-dinja kollha ta' korsijiet approvati għat-taħriġ dwar is-sigurtà tal-baħħara, meħtieġa mill-1 ta' Jannar 2014. Il-perjodu ta' grazzja mill-1 ta' Jannar 2014 sal-1 ta' Lulju 2015 provdut mill-IMO għall-kontroll tal-istat tal-port għall-konformità maċ-ċertifikati taħt ir-Regolament STCW/VI/6 huwa milqugħ. It-timijiet ta' valutazzjoni għal kontra l-piraterija tal-Istati Uniti jipprovdu eżempju tal-aqwa prattika li għandha tiġi segwita mill-UE fir-rigward tal-kontrolli volontarji tal-preparazzjoni ta' kontra l-piraterija abbord il-bastimenti

1.9

Il-KESE jinnota li l-prosekuzzjonijiet tal-piraterija mhux qed ikunu effettivament disważivi minħabba l-varjazzjoni konsiderevoli fis-sentenzi tal-qorti. Hija meħtieġa liġi armonizzata dwar il-piraterija sabiex din tindirizza reati internazzjonali bħall-piraterija u ttemm darba għal dejjem l-impunità.

1.10

L-operazzjoni tal-Qarn tal-Afrika li tindirizza l-kawżi fundamentali fuq l-art hija storja ta' suċċess li tista', mutatis mutandis, tintuża bħala mudell f'oqsma oħra. Il-kundizzjonijiet ta’ għajxien deċenti fuq l-art jistgħu jagħmlu l-piraterija inqas attraenti. Il-KESE jappoġġja l-estensjoni tal-operazzjonijiet Ocean Shield (NATO) u Atalanta meta dawn jiġu biex jiġġeddu.

1.11

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħmlu pressjoni politika u diplomatika bħala rispons għall-eskalazzjoni tal-piraterija fl-Afrika tal-Punent. Il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE) ECOWAS bejn l-UE u 16-il Stat Afrikan, il-Ftehim ta' Cotonou u s-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika jista' jkun sors ta' ingranaġġ. L-iffaċilitar tal-kummerċ bejn l-UE u l-ECOWAS jirrikjedi rotot siguri għall-kummerċ u t-trasport. In-Niġerja għandha tingħata assistenza sabiex taġġorna l-gwardja kostali tagħha u titħeġġeġ biex tippermetti d-dħul ta' gwardji armati ta' nazzjonijiet oħra fl-ibħra tagħha.

1.12

Il-KESE jilqa' l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Golf tal-Ginea (17 ta' Marzu 2014) li għandhom jiġu tradotti f'miżuri speċifiċi. Is-soċjetajiet ċivili lokali għandhom ikunu involuti sabiex ikun żgurat fehim aħjar tal-kuntest lokali, u għandhom ikunu appoġġjati sabiex iqiegħdu pressjoni fuq il-gvernijiet tagħhom għal soluzzjonijiet għall-isfidi ta' sigurtà fil-Golf tal-Ginea.

1.13

Għandu jinħatar rappreżentant speċjali tal-UE għall-Afrika tal-Punent, bħal fil-każ tal-Qarn tal-Afrika. Għandha tkun imfaħħra r-riżoluzzjoni tan-NU (Novembru 2013) dwar l-istrateġija għal kontra l-piraterija fl-Afrika tal-Punent. Għandha tiżdied il-kooperazzjoni tal-gwardji kostali bejn l-Afrika tal-Punent u tal-Lvant.

1.14

Għandhom jiġu introdotti standards internazzjonali li jsir qbil dwarhom għall-kumpaniji tas-sigurtà marittima. L-istandard ISOPAS 28007 ser jiżgura kundizzjonijiet ugwali għall-kumpaniji privati tal-gwardji armati b'mod globali.

1.15

Il-KESE jfaħħar l-intensifikazzjoni tas-sorveljanza marittima sabiex tiġi pprovduta sensibilizzazzjoni f'waqtha tal-atti illegali fuq il-baħar permezz ta' kooperazzjoni rinfurzata bejn l-EMSA, il-FRONTEX u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRS). Għandhom jiżdiedu r-riċerka u l-iżvilupp tas-sigurtà marittima b'kooperazzjoni mal-JRC.

1.16

Fir-rigward tat-traġedja umana kbira tal-immigrazzjoni irregolari bil-baħar, il-KESE jtenni l-ħtieġa li:

tiġi żviluppata politika Ewropea tal-immigrazzjoni li tqis id-dimensjoni esterna u interna tagħha;

jintlaħqu ftehimiet mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu tal-immigranti sabiex jiġu miġġielda netwerks kriminali impenjati fit-traffikar tal-bniedem u jwettqu proċedimenti kriminali b'kooperazzjoni mal-Europol/Interpol;

tiġi żviluppata lista tal-persuni l-aktar importanti fl-organizzazzjonijiet ta' traffikar (fuq l-istess linja tal-lista tal-finanzjaturi tal-piraterija) sabiex jiġi limitat il-ħasil tal-flus;

tiġi mssaħħa u ffinanzjata l-FRONTEX sabiex din tiżviluppa f'Aġenzja Ewropea għall-Fruntieri ġenwina;

ikun hemm kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tat-tluq tal-immigranti irregolari sabiex dawn jiġu skoraġġuti milli jwettqu vjaġġi li jipperikolaw il-ħajja;

jiġu żviluppati attivitajiet tal-gwardja kostali għall-pattulja u s-salvataġġ tal-migranti; u

jissaħħaħ il-kontroll effettiv tal-fruntieri esterni marittimi permezz tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR).

1.17

Il-KESE jemmen li d-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji u l-valuri fundamentali minquxa fil-liġi tal-UE għandhom jitqiesu fl-implimentazzjoni tal-EMSS u promossi fil-pajjiżi barra mill-UE.

1.18

Il-KESE jilqa' l-proposta għall-ħolqien ta' sħubijiet bejn il-partijiet interessati kollha tas-sigurtà marittima fil-livell tal-UE u fi ħdan l-Istati Membri, inklużi l-industrija, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili. L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti b'kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali għandha tirriżulta f'approċċ kosteffettiv għas-sigurtà marittima.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-importanza tal-flussi marittimi globali għall-UE żdiedet bħala riżultat tal-globalizzazzjoni. L-attivitajiet illegali fuq il-baħar żdiedu u saru aktar kumplessi u dan qed jagħmel pressjoni fuq l-UE biex tadotta approċċ olistiku li jindirizzahom. Madankollu, il-monitoraġġ marittimu huwa ta' sfida minħabba l-enormità tal-kosti u l-oċeani tal-UE.

2.2

Din hija responsabbiltà internazzjonali kondiviża li teħtieġ sħubijiet qawwija ma' pajjiżi barra mill-UE u organizzazzjonijiet reġjonali. L-Istrateġija tas-Sigurtà Marittima (ESS) m'għamlitx referenza għad-dimensjoni marittima ħlief billi identifikat il-piraterija bħala theddida. Il-Politika Marittima Integrata Ewropea (IMP) indirizzat kwistjonijiet marittimi iżda bilkemm semmiet id-dimensjoni tas-sigurtà. L-EMSS ġiet adottata bħala risposta għall-ħtieġa imperattiva li jiġi rivedut l-approċċ tal-UE għas-sigurtà marittima.

2.3   Komunikazzjoni Konġunta

2.3.1

Il-Komunikazzjoni konġunta “Għal qasam marittimu globali miftuħ u sigur: elementi għal strateġija tas-sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea” (6/03/2014) mill-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna hija pass inizjali biex l-EMSS tiġi implimentata permezz ta' Pjan ta' Azzjoni.

2.3.2

Skont il-Komunikazzjoni, is-sigurtà marittima tiddependi fuq approċċ strateġiku transsettorjali. It-tħeddid tas-sigurtà marittima jinkludi t-tilwim territorjali marittimu, il-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, il-piraterija, it-terroriżmu, il-kriminalità transkonfinali u organizzata (it-traffikar tal-armi, tad-drogi u tal-persuni), is-sajd mhux regolat u mhux rapportat, u d-diżastri naturali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni Konġunta dwar elementi għall-EMSS sabiex ikun żgurat approċċ integrat u komprensiv għat-theddid u l-opportunitajiet fuq il-baħar. Il-konsultazzjoni mis-SEAE hija milqugħa bħala opportunità sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn is-SEAE u l-KESE. L-EMSS hija ċċentrata fuq il-koordinazzjoni bejn l-atturi Ewropej kollha u l-Istati Membri li għandhom interess fis-sigurtà marittima u tindirizza n-nuqqasijiet tal-IMP (2007).

3.2

Għandu jittieħed approċċ integrat fil-livell tal-UE li jgħaqqad l-istrumenti ċivili u militari u jiġbor fih aspetti interni u esterni tas-sigurtà marittima. In-nazzjonijiet marittimi għandhom jippromovu l-integrazzjoni marittima reġjonali li twassal għall-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-assi navali kritiċi sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-kapaċità tal-UE.

3.3

Il-KESE indirizza r-riskji potenzjali għas-sigurtà marittima (eż. il-piraterija, l-immigrazzjoni irregolari bil-baħar, is-sigurtà fil-portijiet) f'għadd ta' opinjonijiet (1). It-tħeddid tas-sigurtà marittima tikkonċerna s-soċjetà ċivili li tinkludi l-baħħara, is-sidien tal-bastimenti, is-sajjieda, l-esportaturi, l-importaturi, it-turisti, il-konsumaturi, u l-komunitajiet lokali fil-kosti u l-gżejjer tal-UE. Ġiet valutata l-ispiża enormi tal-piraterija marittima għall-konsumaturi. Madankollu, għad trid tiġi stmata l-ispiża għall-konsumaturi tat-theddid li jieħu ħafna forom għas-sigurtà marittima.

3.4

L-UE u l-Istati Membri għandhom jippromovu l-universalità tal-Konvenzjoni UNCLOS u jinsistu dwar l-implimentazzjoni uniformi tagħha. Din tipprovdi qafas legali għall-attivitajiet marittimi u tista' sservi ta' gwida għar-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim marittimu.

3.5

L-Istrateġija tal-UE għall-Qarn tal-Afrika għandha tintuża bħala mudell għal approċċ komprensiv li jinvolvi għodod politiċi, diplomatiċi, soċjali u ekonomiċi u koordinazzjoni fost inizjattivi, aġenziji u strumenti differenti tal-UE bil-għan li jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-piraterija. Il-KESE jappoġġja l-Qafas Strateġiku għall-Qarn tal-Afrika, li jikkombina tliet missjonijiet kontinwi tal-PSDK fir-reġjun (EUNAVFOR Atalanta, il-missjoni ta' taħriġ tal-UE fis-Somalja u l-EUCAP Nestor).

3.5.1

L-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u l-baħħara (ICS, ECSA, ITF/ETF, il-grupp SOS “Save our seafarers”) ingħaqdu sabiex joħolqu sensibilizzazzjoni dwar l-ispiża umana u ekonomika tal-piraterija. Id-dokument konġunt ECSA/ETF (Settembru 2013) dwar il-piraterija fil-Golf tal-Ginea tenna t-tħassib tal-imsieħba soċjali. Il-KESE identifika l-piraterija bħala wieħed mill-fatturi li jidiżinċentivaw lill-persuni milli jagħżlu l-professjoni ta' baħħara u hija ta' ħsara għall-kampanji li għandhom l-għan li jattiraw lin-nies lejn din il-professjoni.

3.5.2

Il-KESE jtenni li l-għan tal-isforzi kollha huwa li jimpedixxu li tiġi pperikolata s-saħħa fiżika u mentali tal-baħħara li jisfaw vittmi tal-attakki pirata. Il-Kamra Internazzjonali tat-Tbaħħir (ICS) fasslet linji gwida b'eżempji ta’ prattika tajba għall-użu mill-kumpaniji tat-tbaħħir fl-għajnuna lill-baħħara affettwati u l-familji tagħhom.

3.6

L-UE għandha tippromovi l-bini tal-kapaċità tas-sigurtà marittima fil-Golf tal-Ginea. Rotot kummerċjali siguri huma prerekwiżit għall-iżvilupp tal-kapaċità ekonomika. Is-sigurtà marittima għandha titqies bħala parti mill-aġenda tal-UE biex tappoġġja l-iżvilupp u l-kummerċ lokali.

3.7

Tul il-kosta Afrikana tal-Punent qed tiżdied l-attività kriminali – it-traffikar tad-drogi, tal-bniedem u tal-armi. Il-pajjiżi tal-Golf tal-Ginea huma responsabbli għal 13 % tal-importazzjoni taż-żejt u 6 % tal-gass għall-UE, fejn in-Niġerja tipproduċi 5,8 % tal-importazzjonijiet taż-żejt tal-UE. L-effett tal-iskoperti riċenti ta' riżervi ta' żejt u gass 'il barra mill-kosta ser ikun biss li tiżdied l-importanza tar-reġjun. It-taħriġ provdut għall-gwardji kostali mir-Rotot Marittimi Kritiċi fil-Programm tal-Golf tal-Ginea (CRIMGO) huwa milqugħ. Għandhom jinħolqu sinerġiji bejn l-aġenziji tal-UE u atturi mhux tal-UE fl-interpretazzjoni tal-immaġini ta' bastimenti permezz tas-satellita. L-għarfien marittimu huwa kruċjali u l-operaturi privati għandhom jgħinu lill-gvernijiet sabiex dawn ikollhom stampa aktar kompleta tal-qasam marittimu. Għandha tiġi stabbilita sistema ta' min joqgħod fuqha ta' rappurtar ta' inċidenti fil-Golf tal-Ginea.

3.8

Il-Baħar Mediterran jinvolvi sfidi ta' sigurtà marittima (bħalma huma t-terroriżmu, it-traffikar illeċitu u l-immigrazzjoni). L-investiment f'kooperazzjoni reġjonali marittima għandu jinvolvi l-intelligence,, is-sorveljanza, u attivitajiet tal-pattulja u l-gwardja kostali.

3.9

Id-delimitazzjoni taż-Żoni Ekonomiċi Esklużivi b'konformità mal-Konvenzjoni UNCLOS għandha tassisti sabiex tkun żgurata r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim territorjali, filwaqt li jiġi evitat il-kunflitt dwar l-iskoperti ta' riżervi tal-idrokarbonju 'l barra mill-kosta fil-Lvant tal-Baħar Mediterran.

3.10

L-UE għandha interess strateġiku fiż-żamma lura tal-eskalazzjoni tal-kunflitti reġjonali fir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed sabiex tiżgura s-sigurtà enerġetika u d-diversifikazzjoni tal-provvisti tagħha tal-enerġija.

3.11

Minkejja li qed jitjiebu l-istandards globali tas-sigurtà fil-portijiet tal-UE, is-sigurtà għandha tiżdied permezz ta' implimentazzjoni aktar rigoruża tal-Kodiċi ISPS li tittratta dwar is-sigurtà tal-kontejners u tal-istallazzjonijiet tal-port. Ir-rapport Franċiż dwar “it-traffikar tal-armi bil-baħar” (10 ta' Frar 2014) jenfasizza l-flussi illegali tal-armi konvenzjonali fuq il-bastimenti tal-kontejners. Madankollu, l-esperjenza tal-Istati Uniti wriet li mhuwiex possibbli li jiġu skennjat 100 % tal-kontejners. F'dinja insigura ma nistgħux niksbu s-sigurtà assoluta.

3.12

Il-KESE jappoġġja b'mod sħiħ il-fehma espressa fil-Komunikazzjoni li: “Il-ftuħ ta’ rotot ta’ trasport possibbli mill-Arktiku u l-isfruttament tar-riżorsi naturali u minerali tiegħu se joħolqu sfidi ambjentali partikolari li jridu jiġu ġestiti bl-akbar kura, u l-kooperazzjoni bejn is-sħab se tkun importanti ħafna”.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri protettivi abbord (l-aqwa prattiki ta' ġestjoni) introdotti mill-kumpaniji tal-bastimenti, kif ukoll l-istandards li sar qbil dwarhom internazzjonalment rigward il-gwardji armati privati fuq il-bastimenti.

4.2

L-inizjattiva ta' “Akkomunament u Kondiviżjoni” li tieħu vantaġġ mill-programm LeaderSHIP 2020 ser tippromovi n-netwerkjar tal-operaturi fis-settur tal-bini u t-tiswija tal-bastimenti.

4.3

L-Istati Membri u l-industrija għandhom jarmonizzaw standards sabiex jiżguraw il-kompatibbiltà operattiva Ewropea tal-kapaċitajiet marittimi u navali inklużi s-sistemi ta' komunikazzjoni u t-teknoloġija.

4.4

Għandhom jiġu implimentati n-Netwerkjar għas-Sorveljanza Marittima (MARSUR), il-ħidma żviluppata mill-EMSA, u l-programm Copernicus. L-EMSA ospitat applikazzjonijiet ta' sorveljanza marittima permezz ta' SafeSeaNet, LRIT, CleanSeaNet u THETIS. Il-ħidma tal-Ambjent għall-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni Komuni (CISE) sabiex tinkiseb kapaċità effettiva ta' sorveljanza marittima Ewropea għandha tiġi mfaħħra.

4.5

Il-persuni salvati fuq il-baħar huma kwistjoni ta' sigurtà peress li dawn ikollhom jiġu żbarkati u dokumentati. Is-servizzi ta' tfittxija u salvataġġ jiddependu fuq l-għajnuna tal-bastimenti. Il-komunikazzjonijiet bis-satellita jipprovdu assistenza kruċjali għall-operazzjonijiet ta' salvataġġ. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-konvenzjonijiet rilevanti u l-Linji gwida dwar it-Trattament tal-Persuni Salvati minn fuq il-Baħar tal-OMI li jipprovdu gwida għall-gvernijiet u l-kaptani dwar l-obbligi tagħhom.

4.6

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għall-implimentazzjoni tar-regoli legali eżistenti dwar il-post ta' rifuġju għal bastimenti f'diffikultà li huma ta' periklu għan-navigazzjoni u theddida għall-ħajja tal-bniedem u l-ambjent. Il-bosta inċidenti ta' dewmien fil-forniment ta' post ta' rifuġju juru l-ħtieġa għal rispons immedjat mill-istati kostali. Il-Linji Gwida tal-OMI (Riżoluzzjoni A.949 (23) dwar il-Postijiet ta' Rifuġju, kif ukoll dawk dwar il-Kontroll tal-Bastimenti waqt Emerġenza (2007) u s-sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti tal-UE (id-Direttiva VTM 2002/59 kif emendata mid-Direttiva 2009/17) jipprovdu l-qafas legali. Huwa imperattiv li l-istati kostali kollha jirratifikaw u jimplimentaw dawn l-istrumenti legali.

4.7

Il-KESE jilqa' l-impenn tal-UE għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, peress li s-sajd illegali, mhux regolat u mhux rappurtat huwa attività kriminali globali, isseħħ fejn isseħħ. Il-KESE japprova d-deċiżjoni riċenti tal-UE li tipprojbixxi mis-suq tagħha prodotti tas-sajd illegali minn tliet pajjiżi li qed jiksru l-UNCLOS.

4.8

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jipproteġi minn tħeddid potenzjali l-bijodiversità u r-riżorsi marittimi tal-UE, kemm jekk huma industriji tas-sajd kif ukoll riżorsi minerali fl-ibħra territorjali tiegħu. Barra minn hekk, l-effiċjenza tat-telekomunikazzjonijiet tiddependi fuq is-salvagwardja tas-sigurtà tal-kejbils ta' taħt il-baħar u l-effiċjenza tal-enerġija tiddependi fuq is-salvagwardja tas-sigurtà tal-pajpijiet.

4.9

Is-sigurtà marittima tinvolvi wkoll il-ħarsien tal-ilma tal-baħar mill-kontaminazzjoni li tirriżulta minn aċċidenti nukleari, rimi illegali ta' kimiċi jew aċċidenti kbar li jinvolvu sustanzi niġġiesa. L-UE hija mħeġġa taħdem biex tippreserva l-integrità ekoloġika tal-qasam marittimu.

Brussell, 11 ta' Settembru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  L-opinjoni tal-KESE dwar Il-politika tal-immigrazzjoni Ewropea u r-relazzjoni ma' pajjiżi terzi, (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

ĠU C 67, 6.3.2014, p. 32-46

ĠU C 161, 6.6.2013, p. 87-92

ĠU C 76, 14.3.2013, p. 15-19

ĠU C 107, 6.4.2011, p. 64-67

ĠU C 44, 11.2.2011, p. 173-177

ĠU C 128, 18.5.2010, p. 131-135

ĠU C 255, 22.9.2010, p. 103-109

ĠU C 211, 19.8.2008, p. 31-36

ĠU C 168, 20.7.2007, p. 57-62

ĠU C 32, 5.2.2004, p. 21–27 (mhix disponibbli bil-Malti)

ĠU C 061 , 14.3.2003 p. 174 - 183 (mhix disponibbli bil-Malti)

Ir-rapport u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dimensjoni tal-Politika ta' Sigurtà Komuni Ewropea, 12 ta' Settembru 2013.