ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 457A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
19 ta' Diċembru 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 457A/01

Avviż ta’ Post Battal għall-Pożizzjoni ta’ Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) f’Londra (Aġent Temporanju – Grad AD 15) — COM/2014/10367

1

 

2014/C 457A/02

Reviżjoni tal-Ġurnali Uffiċjali C A Kompetizzjoni

7

MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 457/1


Avviż ta’ Post Battal għall-Pożizzjoni ta’ Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) f’Londra

(Aġent Temporanju – Grad AD 15)

COM/2014/10367

(2014/C 457 A/01)

 

Min aħna

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (European Medicines Agency, EMA), stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), hija responsabbli għall-koordinazzjoni tal-awtorizzazzjoni, is-superviżjoni u l-farmakoviġilanza tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju fl-Unjoni Ewropea (UE) permezz tal-ħidma tal-kumitati xjentifiċi tagħha u netwerk kbir ta’ esperti li tpoġġa għad-dispożizzjoni tagħha mill-Istati Membri.

Għal aktar informazzjoni kkonsulta din il-websajt: http://www.EMA.europa.eu/

X’qed nipproponu

Id-Direttur Eżekuttiv huwa r-rappreżentant legali u l-wiċċ pubbliku tal-EMA u huwa responsabbli lejn il-Bord Maniġerjali tal-EMA, imwaqqaf mill-Artikolu 65 tar-Regolament tat-Twaqqif tal-EMA (2). Huwa jmexxi u jimmaniġġa l-EMA u jassumi r-responsabbiltà globali għall-operazzjonijiet tagħha filwaqt li jiżgura li jintlaħqu l-objettivi tal-EMA.

Id-Direttur Eżekuttiv ikun kompletament indipendenti fil-prestazzjoni fid-dmirijiet tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Bord Maniġerjali.

Id-Direttur Eżekuttiv ikun responsabbli għal:

l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-Aġenzija b’baġit fl-2014 ta’ madwar EUR 297 miljun u persunal ta’ 728,

l-immaniġġar tal-EMA f’konformità mar-Regolament tat-Twaqqif tagħha u mal-leġiżlazzjoni applikabbli fis-seħħ u mad-deċiżjonijiet tal-Bord Maniġerjali tagħha,

ir-responsabbiltà ġenerali għall-immaniġġar effettiv u effiċjenti tal-persunal tal-EMA, u t-trawwim ta’ spirtu ta’ tim u ambjent tax-xogħol tajbin,

l-immaniġġar tar-riżorsi kollha tal-Aġenzija li huma neċessarji għat-twettiq tal-attivitajiet tal-kumitati tagħha, inkluża d-disponibbiltà ta’ sostenn xjentifiku u tekniku xieraq,

it-tfassil tal-Istrateġija u l-abbozzi tal-Programmi ta’ Ħidma tal-EMA, u r-rappurtar dwar id-direzzjoni u l-proċeduri għat-tfassil ta’ politika lill-Bord Maniġerjali,

ir-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-Programmi ta’ Ħidma u d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord Maniġerjali,

il-provvista tas-segretarjat lill-Bord Maniġerjali,

ir-responsabbiltà ġenerali għall-prestazzjoni ġenerali tal-kompiti assenjati lill-EMA li jinkludu s-superviżjoni tal-kwalità tal-kontroll intern tagħha u tas-sistemi ta’ mmaniġġar,

it-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-EMA f’konformità mar-Regolament Finanzjarju Qafas (3) għall-aġenziji u l-iżgurar li jkun immaniġġat b’mod effiċjenti u f’konformità mal-prinċipju tal-amministrazzjoni finanzjarja tajba,

ir-responsabbiltà ġenerali għall-kwistjonijiet finanzjarji tal-EMA inklużi, fost l-oħrajn, il-kontijiet finali u d-deċiżjonijiet ta’ finanzjament,

ir-rappreżentazzjoni tal-EMA u l-komunikazzjoni mal-firxa tal-partijiet interessati u l-pubbliku fuq il-kwistjonijiet kollha fi ħdan il-mandat tal-Aġenzija,

l-iżgurar tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri kif ukoll mal-korpi kompetenti fl-Istati Membri li jwettqu kompiti simili għal dawk tal-EMA,

l-iżgurar li jinżammu l-iskadenzi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-adozzjoni tal-opinjonijiet mill-Aġenzija,

l-iżgurar ta’ koordinazzjoni xierqa bejn il-kumitati tagħha,

l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1901/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għal pjanijiet ta’ investigazzjoni pedjatrika u rinunzji.

X’qegħdin infittxu (il-kriterji tal-għażla)

Il-kandidati għandu jkollhom:

(a)

Esperjenza maniġerjali, u b’mod partikolari:

kapaċità li jmexxu organizzazzjoni tad-daqs tal-EMA, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll fil-livell ta’ mmaniġġar operazzjonali,

kapaċità eċċellenti li jiżviluppaw u jimplimentaw viżjoni strateġika, iwaqqfu objettivi u jimmotivaw u jmexxu timijiet kbar f’ambjent multikulturali u multilingwi,

ħiliet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tajbin ħafna, inkluża l-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet f’ambjent politiku kumpless u f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza,

esperjenza ppruvata fl-immaniġġar baġitarju, finanzjarju u tar-riżorsi umani f’kuntest nazzjonali, Ewropew u/jew internazzjonali,

apprezzament demostrabbli tal-promozzjoni tal-prinċipji ta’ gwida tal-EMA li huma l-prinċipji ta’ ftuħ, trasparenza, indipendenza u eċċellenza xjentifika.

(b)

Għarfien tekniku, u b’mod partikolari:

Għarfien tajjeb ħafna tal-leġiżlazzjoni farmaċewtika Ewropea,

esperjenza u prattika f’wieħed minn dawn l-oqsma jew aktar: ix-xjenza tal-kura tas-saħħa, il-mediċina, ix-xjenzi mediċi, il-farmakoloġija, ix-xjenzi famaċewtiċi, ix-xjenzi veterinarji jkunu ta’ vantaġġ. Idealment din l-esperjenza għandha tkun inkisbet f’amministrazzjoni pubblika nazzjonali, Ewropea jew internazzjonali li tinvolvi kuntatti mal-industrija farmaċewtika,

komprensjoni tajba tal-Istituzzjonijiet Ewropej u ta’ kif joperaw u jinteraġixxu.

(c)

Ħiliet fil-komunikazzjoni u n-negozjar, u b’mod partikolari:

ħila fil-komunikazzjoni effiċjenti u li tinftihem b’mod trasparenti u miftuħ mal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-istampa, il-pubbliku, l-awtoritajiet Ewropej, internazzjonali, nazzjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, eċċ.,

esperjenza soda marbuta ma’ negozjar f’ambjent internazzjonali,

ħiliet interpersonali eċċellenti u l-kapaċità li jżommu relazzjonijiet xierqa mal-istituzzjonijiet tal-UE u mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jiżguraw il-funzjoni tajba tan-netwerk Ewropew tal-mediċini.

Vantaġġi:

Lawrja universitarja bħala tabib, spiżjar jew veterinarju tista’ titqies bħala vantaġġ,

L-esperjenza miksuba f’ambjent multikulturali.

L-applikanti jridu (kriterji ta’ eliġibbiltà)

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-fażi tal-għażla, il-kandidati jridu jissodisfaw dawn il-kriterji ta’ eliġibbiltà sad-data ta’ għeluq għall-applikazzjonijiet:

Nazzjonalità – L-applikanti jridu jkunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ċittadini ta’ pajjiż miż-Żona Ekonomika Ewropea.

Lawrja universitarja jew diploma – L-applikanti jrid ikollhom:

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar, jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali postgradwatorja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza professjonali: L-applikanti jrid ikollhom minn tal-inqas 15-il sena esperjenza postgradwatorja f’livell li jagħtu aċċess għalih il-kwalifiki msemmija hawn fuq; mill-15-il sena esperjenza professjonali, mill-inqas ħames snin esperjenza professjonali miksuba f’qasam tal-attivitajiet tal-Aġenzija.

Esperjenza maniġerjali: mill-15-il sena esperjenza professjonali, mill-inqas ħames snin esperjenza professjonali miksuba f’kariga għolja ta’ tmexxija (5).

Lingwi: L-applikanti jrid ikollhom għarfien tajjeb ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi safejn hu meħtieġ għall-qadi ta’ dmirijiethom.

Limitu tal-età: Sal-iskadenza tal-applikazzjonijiet, l-applikanti jridu jkunu kapaċi jtemmu l-mandat sħiħ ta’ ħames snin f’konformità mal-Artikolu 47(a) tal-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni (6).

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Id-Direttur Eżekuttiv jiġi mitlub jagħmel dikjarazzjoni ta’ impenn biex jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u biex jagħmel dikjarazzjoni fir-rigward ta’ interessi li jistgħu jkunu meqjusa ta’ preġudizzju għall-indipendenza tiegħu. L-applikanti jridu jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu dan fl-applikazzjoni tagħhom.

Minħabba n-natura partikolari tal-funzjonijiet, l-applikanti mistiedna għall-intervisti ta’ qabel l-għażla jkunu mitluba jiffirmaw dikjarazzjoni relatata mal-interessi attwali jew futuri tagħhom li jistgħu jitqiesu ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom.

F’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal (7), li d-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw b’analoġija għall-Aġenti Temporanji, id-Direttur Eżekuttiv, wara li jitlaq mis-servizz, jibqa’ marbut bid-dover tiegħu li jaġixxi b’integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti ħatriet jew benefiċċji.

Dan jinkludi l-obbligu li jinforma lill-Bord Maniġerjali tal-EMA biżżejjed bil-quddiem bl-intenzjoni li jinvolvi ruħu f’attività okkupazzjonali, kemm jekk bil-qligħ kif ukoll jekk le, fi żmien sentejn minn meta jitlaq mis-servizz. Jekk dik l-attività tkun marbuta max-xogħol imwettaq matul l-aħħar tliet snin tas-servizz u tista’ twassal għal kunflitt mal-interessi leġittimi tal-EMA, il-Bord Maniġerjali tal-EMA jista’, wara li jikkunsidra l-interessi tas-servizz, ma jippermettilux li jidħol għaliha, jew jagħti l-approvazzjoni tiegħu soġġetta għal kull kundizzjoni li jqis xierqa.

L-għażla u l-ħatra

Id-Direttur Eżekuttiv se jinħatar mill-Bord Maniġerjali tal-EMA fuq il-bażi ta’ lista mħejjija mill-Kummissjoni Ewropea wara li jkun għamel stqarrija u wieġeb il-mistoqsijiet mill-Parlament Ewropew. Dan l-avviż ta’ post battal huwa l-bażi għall-istabbiliment tal-lista tal-Kummissjoni Ewropea. L-Applikanti Kandidati għandhom jinnotaw li l-inklużjoni fil-lista tal-Kummissjoni Ewropea mhijiex garanzija tal-ħatra.

Għandu jitwaqqaf bord ta’ qabel l-għażla mill-Kummissjoni Ewropea. Dan il-bord jistieden lill-applikanti li jkollhom l-aħjar profil għar-rekwiżiti speċifiċi ta’ din il-pożizzjoni għal intervista, magħżula fuq il-bażi tal-merti tagħhom u l-kriterji stabbiliti hawn fuq. Il-bord ta’ qabel l-għażla jfassal lista ta’ applikanti li jkunu proposti għal intervista oħra mal-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Ħatriet (Consultative Committee on Appointments, CCA). L-applikanti, li jissejħu għal intervista mas-CCA, iridu jagħmlu eżami mmexxi miċ-ċentru ta’ valutazzjoni f’idejn il-konsulenti esterni tar-reklutaġġ.

Wara l-intervista, is-CCA ifassal lista preliminari. L-applikanti li jitpoġġew fuq il-lista preliminari mis-CCA imbagħad jiġu intervistati mill-Kummissarju/Kummissarji relevanti.

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni Ewropea tadotta lista ta’ applikanti, li tiġi kkomunikata lill-Bord Maniġerjali tal-EMA.

Dan tal-aħħar jintervista lil dawn l-applikanti u jaħtar lil wieħed mill-applikanti minn fuq il-lista preliminari tal-Kummissjoni bħala Direttur Eżekuttiv tal-EMA. Madankollu, qabel ma jinħatar mill-Bord Maniġerjali, l-applikant innominat jintalab jindirizza lill-Parlament Ewropew u jwieġeb għall-mistoqsijiet tagħhom.

L-applikanti jistgħu jintalbu jagħmlu iktar intervisti jew testijiet apparti dawk indikati hawn fuq.

Opportunitajiet indaqs

L-Unjoni Ewropea tapplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ nondiskriminazzjoni f’konformità mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (8). Hija tagħti attenzjoni speċjali sabiex tevita kull għamla ta’ diskriminazzjoni fil-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha u tħeġġeġ attivament il-parteċipazzjoni tan-nisa.

Kundizzjonijiet tal-impjieg

Id-Direttur Eżekuttiv se jinħatar bħala persunal tal-EMA bħala aġent temporanju fil-grad ta’ AD15 skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni (9) għal perjodu ta’ ħames snin, li jistgħu jiġu estiżi darba.

Il-post tal-impjieg huwa Londra, fejn hi bbażata l-EMA.

Proċedura ta’ applikazzjoni

Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b’attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta’ eliġibilità kollha, b’mod partikolari rigward it-tip ta’ diplomi u l-esperjenza professjonali meħtieġa.

Jekk tixtieq tapplika, trid tapplika permezz tal-Internet billi tmur fil-websajt

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

u ssegwi l-istruzzjonijiet li hemm li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura.

Trid timla r-reġistrazzjoni tiegħek onlajn fil-ħin (10). Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem sabiex tapplika, peress li konġestjoni qawwija fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, ma tkunx tista’ tapplika. Reġistrazzjonijiet bil-posta elettronika normali li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Teħtieġ indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex jiġi kkonfermat il-ħolqien tal-kont tiegħek u biex tinżamm infurmat bl-eżitu tal-proċedura tal-għażla. Jekk jogħġbok informa lill-Kummissjoni Ewropea f’każ li l-indirizz tal-posta elettronika tiegħek jinbidel.

Trid ittella’ CV (fil-format PDF) u tinkludi ittra ta’ motivazzjoni onlajn (massimu ta’ 8  000 karattru). Kemm is-CV kif ukoll l-ittra ta’ motivazzjoni għandhom ikunu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Jekk ma tirċievi l-ebda numru ta’ reġistrazzjoni, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Nixtiequ niġbdulek l-attenzjoni li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti tiġi kkuntattjat direttament dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek. Il-proċess tal-għażla, inkluża l-korrispondenza mal-bordijiet tal-għażla matul din il-proċedura tal-għażla, isir bl-Ingliż (11).

Jekk għandek diżabbiltà li ma tippermettilekx tirreġistra onlajn, tista’ tibgħat l-applikazzjoni (is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni) fuq karta permezz tal-posta reġistrata (12), b’timbru postali b’data li ma tkunx aktar tard mid-data meta tagħlaq ir-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni Ewropea tkun bil-posta. F’dan il-każ, mas-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek trid tehmeż ċertifikat, maħruġ minn entità rikonoxxuta, li jissostanzja d-diżabilità tiegħek. Għandek issemmi wkoll, fuq karta separata, kull arranġament speċjali li taħseb li jista’ jkun meħtieġ sabiex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tiegħek fil-proċess tal-għażla.

Jekk teħtieġ aktar tagħrif jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, ibgħat email lil HR-A2-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Id-data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija t-28 ta’ Jannar 2015. Ir-reġistrazzjoni onlajn ma tkunx possibbli wara nofsinhar (12:00), ħin ta’ Brussell.

Protezzjoni tad-dejta personali

Il-Kummissjoni Ewropea (matul il-fażi preparatorja) u iżjed tard l-EMA, jiżguraw li d-dejta personali tal-kandidati tkun ipproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (13).


(1)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

(2)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/PDF/?uri=CELEX:32004R0726&rid=3

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1901/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar prodotti mediċinali għall-użu pedjatriku u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1768/92, id-Direttiva 2001/20/KE, id-Direttiva 2001/83/KE u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 1).

(5)  Fis-CVs tagħhom l-applikanti għandhom jindikaw mill-inqas għal dawn il-ħames snin x’tip ta’ esperjenza ta’ tmexxija f’livell għoli inkisbet: (1) it-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kellhom, (2) l-għadd ta’ membri tal-persunal li kienu jmexxu f’dawn il-pożizzjonijiet, (3) id-daqs tal-baġits immaniġġati, u (4) l-għadd ta’ livelli ġerarkiċi ‘l fuq u ‘l isfel u l-għadd ta’ dawk li kienu pari magħhom.

(6)  Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni, paġna 206.

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

(7)  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni, paġna 21.

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

(8)  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, paġna 12.

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

(9)  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, paġna 187.

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

(10)  Mhux aktar tard minn nofsinhar (12:00), ħin ta’ Brussell, fit-28 ta’ Jannar 2015.

(11)  Il-bordijiet tal-għażla jiżguraw li ma jingħata l-ebda vantaġġ mhux xieraq lill-kelliema nattivi.

(12)  European Commission, Directorate-General Human resources and Security, Unit for Executive Staff and CCA Secretariat, COM/2014/10367, SC11 8/35, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.

(13)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 457/7


REVIŻJONI TAL-ĠURNALI UFFIĊJALI C A KOMPETIZZJONI

(2014/C 457 A/02)

Hawn taħt għandek issib il-lista ta' C A ppubblikati matul din is-sena.

Ħlief meta indikat mod ieħor, il-Ġurnali Uffiċjali huma ppubblikati fil-lingwi kollha.

5

 

6

 

11

 

19

 

21

 

26

 

27

 

30

(PL)

35

 

41

(DE/EN/FR)

42

 

43

 

46

 

47

 

48

 

55

 

56

 

60

 

62

 

65

 

73

(DE/EN/FR)

74

 

81

 

88

 

92

(DE/EN/FR)

97

 

98

 

99

 

108

 

109

 

116

 

119

 

133

 

134

 

136

 

137

(DE/EN/FR)

140

 

145

 

152

 

160

 

163

 

164

 

176

 

178

 

180

 

182

 

185

 

186

 

188

 

195

 

207

 

209

(DE/EN/FR)

211

 

217

 

219

 

242

 

254

 

255

 

256

(LV)

258

(RO)

262

(EN)

267

(SL)

270

(FR)

272

(DA)

274

(IT)

277

 

283

 

289

(DE/EN/FR)

293

(NL)

295

(MT)

297

 

299

 

304

 

321

(DE/EN/FR)

325

(SL)

332

 

334

 

340

 

342

(EN)

352

 

354

 

358

 

366

 

376

 

378

(SV)

381

 

384

 

385

(PT)

390

(HR)

391

 

410

 

412

 

425

(EN/IT/LT)

427

 

432

 

433

(DE)

434

 

441

 

453

(DE/EN/FR)

457