ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 451

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
16 ta' Diċembru 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-500 sessjoni plenarja tal-KESE tad-9 u l-10 ta' Lulju 2014

2014/C 451/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi — (opinjoni esploratorja)

1

2014/C 451/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-ikkompletar tal-UEM Il-proposti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġiżlatura Ewropea li jmiss — (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

10

2014/C 451/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-fondi għan-negozju: investigazzjoni dwar mekkaniżmi ta' provvista alternattivi — (opinioni fuq inizjattiva proprja)

20

2014/C 451/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-soċjetà diġitali: aċċess, edukazzjoni, taħriġ, impjieg, għodod għall-ugwaljanza — (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

25

2014/C 451/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Iċ-ċiberattakki fl-UE — (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

31

2014/C 451/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Intejbu t-trasparenza u l-inklużività tal-proċess ta' adeżjoni mal-UE — (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

39

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

Il-500 sessjoni plenarja tal-KESE tad-9 u l-10 ta' Lulju 2014

2014/C 451/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE — COM(2014) 43 final – 2014/0020 (COD)

45

2014/C 451/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Pjan direzzjonali dwar l-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti – It-tiswir tal-fiduċja fis-servizzi ta' konsenja u l-għoti ta' spinta lill-bejgħ onlajn — COM(2013) 886 final

51

2014/C 451/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rapportar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli — COM(2014) 40 final – 2014/0017 (COD)

59

2014/C 451/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea għal aktar tkabbir ekonomiku u impjiegi fit-turiżmu marittimu u kostali — COM(2014) 86 final

64

2014/C 451/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekononomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – It-twettiq tal-potenzjal tal-finanzjament kollettiv fl-Unjoni Ewropea — COM(2014) 172 final

69

2014/C 451/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tagħmir personali protettiv — COM(2014) 186 final – 2014/0108 (COD)

76

2014/C 451/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ — COM(2014) 187 final – 2014/0107 (COD)

81

2014/C 451/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-Direttiva 2013/34/UE rigward ċerti elementi tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva — COM(2014) 213 final – 2014/0121 (COD)

87

2014/C 451/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea — COM(2014) 168 final

91

2014/C 451/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ewropa miftuħa u sikura: kif nagħmluha realtà — COM(2014) 154 final

96

2014/C 451/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Aġenda tal-Ġustizzja tal-UE għall-2020 – It-tisħiħ tal-fiduċja, tal-mobbiltà u tat-tkabbir fl-Unjoni — COM(2014) 144 final

104

2014/C 451/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali — COM(2014) 167 final – 2014/0091 (COD)

109

2014/C 451/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Qafas ta' Kwalità tal-UE għall-Antiċipazzjoni tal-Bidla u r-Ristrutturar — COM(2013) 882 final

116

2014/C 451/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-Reviżjoni tal-Linji Gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali — COM(2014) 963 final

123

2014/C 451/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti — COM(2013) 659 final

127

2014/C 451/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni – Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa – — COM(2013) 918 final, dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis ta’ emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE – — COM(2013) 920 final – 2013/0443 (COD), dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti medji tal-kombustjoni – — COM(2013) 919 final – 2013/0442 (COD), dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar li tiġi aċċettata l-Emenda lill-Protokoll tal-1999 tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila sabiex titnaqqas l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku — COM(2013) 917 final

134

2014/C 451/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi — COM(2014) 32 final – 2014/0014 (COD)

142

2014/C 451/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Politika u l-Governanza tal-Internet – Ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal-Governanza tal-Internet — COM(2014) 72 final

145

2014/C 451/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: l-immaniġġar ta' riskji biex tinkiseb reżiljenza — COM(2014) 216 final

152

2014/C 451/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE tal-25 ta' Frar 1993 dwar assistenza lill-Kummissjoni u koperazzjoni mill-Istati Membri fl-eżami xjentifiku ta' kwistjonijiet dwar l-ikel — COM(2014) 246 final – 2014/0132 COD

157

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-500 sessjoni plenarja tal-KESE tad-9 u l-10 ta' Lulju 2014

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi”

(opinjoni esploratorja)

(2014/C 451/01)

Relatur:

is-Sur GKOFAS

Korelatur:

is-Sur Pariza Castaños

Nhar is-6 ta' Diċembru 2013, il-Presidenza Griega tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li titlob lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji Opinjoni esploratorja dwar

Il-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'64 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Din l-Opinjoni għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-ħidma tal-Presidenza Griega, u anke li tagħti kontinwità taħt il-Presidenza Taljana, sabiex jiġi żgurat li tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-asil. L-immigrazzjoni hija kwistjoni partikolarment kumplessa li teħtieġ kooperazzjoni bejn il-ħafna partijiet interessati u ġestjoni konġunta u komprensiva mill-UE, kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll Ewropew (1).

1.2

L-UE għandha tieqaf tikkunsidra l-politika dwar l-immigrazzjoni bħala kwistjoni interna kważi esklużivament. Din l-idea żbaljata hija l-kawża ta' ċerti fallimenti tagħna. Il-KESE huwa tal-fehma li l-Ewropa għandha tiġġestixxi l-immigrazzjoni bħala parti minn approċċ globali li jiġbor fih kemm l-aspetti interni kif ukoll esterni: il-ġestjoni interna tal-migrazzjoni u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi huma komponenti tal-istess politika, jekk din se tkun effettiva.

1.3

Irridu nadottaw approċċ globali biex nindirizzaw l-isfida tal-mobilità tal-persuni f'ekonomija globalizzata. L-immigrazzjoni u l-mobilità huma interdipendenti. Id-djalogu internazzjonali dwar il-mobilità tal-persuni u l-migrazzjoni għandhom jintrabtu ma' aspetti oħra tal-politika Ewropea bħall-kummerċ, l-investiment, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà.

1.4

Billi l-ebda Stat Membri tal-UE ma jista' jiġġestixxi l-immigrazzjoni u l-asil b'mod adegwat waħdu, it-Trattat jistabbilixxi l-pedamenti għal politika komuni li għandha titnieda abbażi ta' leġislazzjoni armonizzata. Il-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust għandu jissaħħaħ.

1.5

L-UE għandha terfa' r-responsabbiltà tal-kontroll tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri, li huma l-fruntieri tal-Unjoni Ewropea kollha fiż-żona Schengen. L-Aġenzija Frontex għandha ssir servizz Ewropew li jgħasses il-fruntieri. L-UE għandha żżid is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u tttejjeb it-tqassim tar-responsabbiltajiet.

1.6

Ċerti reġjuni Ewropej qed jiffaċċjaw problemi speċifiċi minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, peress li huma punti intermedji għall-immigrazzjoni irregolari, u xi drabi jilqgħu volum ta' immigranti li jkun aktar minn kemm jifilħu. Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tniedi proċeduri għat-tqassim aħjar tar-responsabbiltajiet, u għall-għoti ta' appoġġ finanzjarju, operattiv u ta' akkoljenza.

1.7

F'dinja globalizzata, jeħtieġ li l-Ewropa tikkoopera ma' pajjiżi terzi u mal-istituzzjonijiet internazzjonali fil-promozzjoni ta' qafas leġislattiv internazzjonali għall-migrazzjoni u l-mobilità.

1.8

F'dan ir-rigward, il-KESE huwa tal-fehma li l-immigrazzjoni trid tiġi indirizzata fi tliet postijiet interrelatati: fil-pajjiżi ta' oriġini tal-immigranti, fil-pajjiżi ta' tranżitu u fil-pajjiżi ta' destinazzjoni, f'dan il-każ l-UE, għax b'hekk biss jistgħu jiġu indirizzati l-flussi migratorji b'mod effettiv.

1.9

Il-politika dwar l-immigrazzjoni u l-asil għandha tiġi kkoordinata aħjar mal-politika esterna tal-UE. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu jaqdi r-rwol tiegħu u jinkorpora l-politiki dwar l-immigrazzjoni, l-asil u l-ġestjoni tal-fruntieri, bil-għan li jkun hemm iżjed konsistenza. Il-KESE, li kkontribwixxa għall-ħidma tal-Presidenza Griega, jilqa' l-inklużjoni tad-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni, l-asil u l-ġestjoni tal-fruntieri fil-linji gwida strateġiji li ġew adottati mill-Kunsill Ewropew fis-26 u s-27 ta' Ġunju 2014. Għandha tissaħħaħ ukoll il-funzjoni tal-Parlament Ewropew f'dawn il-kwistjonijiet.

1.10

Fil-kuntest tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM), l-UE għandha tilħaq ftehimiet mal-pajjiżi terzi, l-iżjed mal-pajjiżi ġirien, il-pajjiżi ta' oriġini u l-pajjiżi ta' tranżitu tal-immigranti.

1.11

Il-Kumitat jipproponi li, għal dan il-għan, jissaħħaħ id-djalogu ma' dawn il-pajjiżi, sabiex jintlaħqu ftehimiet ġodda dwar sħubijiet għall-mobilità u l-migrazzjoni, b'kontenut usa', kif stipulat fil-punti 1.3 u 5.1.6.

1.12

Is-sħubijiet għall-mobilità għandhom ċerti limitazzjonijiet li jeħtieġ li jingħelbu fis-snin li ġejjin, peress li mhumiex vinkolanti għall-partijiet kontraenti. Il-flessibbiltà tagħhom tgħin biex jintlaħqu ftehimiet politiċi, mingħajr ma jiġu imposti obbligi ġuridiċi, iżda fil-fehma tal-KESE, għandhom jinbidlu fi ftehimiet internazzjonali vinkolanti.

1.13

Fost il-prijoritajiet tagħhom, is-sħubijiet għall-mobilità għandhom jinkludu aspetti marbutin mal-migrazzjoni ekonomika u l-mobilità: barra mis-sigurtà, ir-ripatrijazzjonijiet u l-kontroll tal-fruntieri, għandha tingħata prijorità akbar lill-organizzazzjoni tal-migrazzjoni legali u l-politika tal-viża, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, id-drittijiet tas-sigurtà soċjali u l-kontribut tal-migrazzjoni u l-mobilità għall-iżvilupp.

1.14

Il-KESE jipproponi li jitwaqqfu uffiċċji tal-UE għall-migrazzjoni fil-pajjiżi ta' oriġini, immexxija mill-Kummissjoni Ewropea, u b'persunal mill-SEAE, id-DĠ HOME U DĠ EMPL. Il-portal tal-internet tal-UE dwar l-immigrazzjoni huwa strument utli, iżda mhux biżżejjed. Għandu jkun disponibbli b'firxa usa' ta' lingwi u jkun iżjed interattiv.

1.15

Jeħtieġ li tittejjeb il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu u tiġi antiċipata u pprevenuta l-immigrazzjoni irregolari. Jeħtieġ ukoll li jsiru kampanji ta' informazzjoni, u jiġu miġġielda b'mod effettiv in-netwerks kriminali tat-traffikar illegali jew il-kuntrabandu tal-migranti. Il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja huma fundamentali għall-ġlieda kontra n-netwerks kriminali. Bil-għan li jagħmlu gwadann ekonomiku illegali, it-traffikanti u l-kuntrabandisti jpoġġu l-ħajja u s-sigurtà tal-persuni fil-periklu. Is-sħubijiet għall-mobilità għandhom jiżviluppaw sistemi ġodda ta' kooperazzjoni fil-kontroll tal-fruntieri, u r-ritorn assistit.

1.16

Daqstant importanti huma l-programmi ta' għajnuna finanzjarja u ta' żvilupp ibbażati fuq il-prinċipju tal-kondizzjonalità pożittiva (iktar għal iktar), fejn jiġu indirizzati b'mod simultanju l-fatturi diversi involuti fl-immigrazzjoni, inkluża politika ta' ritorn u ta' riammissjoni. B'mod simili, huwa importanti li jissaħħu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-involviment tagħhom fis-sħubijiet għall-mobilità.

1.17

Il-KESE japprova wkoll il-kooperazzjoni bejn il-Frontex u l-Europol sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari t-traffikar u l-kuntrabandu tal-migranti u l-koooperazzjoni mill-qrib ma' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati(UNHCR), u ċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni. Bl-istess mod, il-KESE jappoġġja r-Regolamenti tal-Kummissjoni għal ġestjoni iżjed flessibbli tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil u l-Fond għas-Sigurtà Interna mill-2014 'il quddiem.

1.18

Fil-livell tal-UE, għandha tiġi stabbilita politika komuni Ewropea adatta u koeżiva dwar l-immigrazzjoni, u għandha tkun ibbażata fuq l-appoġġ reċiproku u l-impenn tal-Istati Membri kollha. Jeħtieġ li l-UE tadotta politika effettiva ta' ritorn imsejsa fuq trattati internazzjonali dwar ir-ripatrijazzjoni u r-riammissjoni. Il-fruntieri tal-UE, inklużi l-fruntieri tal-baħar tal-Istati Membri tal-UE fil-Mediterran, huma l-fruntieri tal-Istati Membri kollha tal-UE, u minħabba f'hekk, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri kollha biex jiżguraw b'mod attiv il-protezzjoni tagħhom, b'konformità mat-trattati.

1.19

Id-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti irregolari jridu jitħarsu f'kull ħin, meta jiġu salvati jew meta jaslu fil-pajjiż ta' akkoljenza, sakemm jakkwistaw l-istatus ta' protezzjoni, meta jkunu f'qagħda irregolari ta' “persuni mingħajr dokumenti” jew meta jintbagħtu lura lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom. Ċentri temporanji ta' residenza u ta' akkoljenza addizzjonali u aħjar għall-immigranti għandhom jiġu stabbiliti fl-Istati Membri kollha, bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea kollha, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet rigward is-saħħa u l-għoti ta' għajnuna medika, kif ukoll evalwazzjoni iktar mgħaġġla tal-applikazzjonijiet għal asil jew għal għajnuna soċjali. Il-KESE jtenni l-oppożizzjoni tiegħu li l-applikanti għall-asil u l-immigranti irregolari jinżammu fiċ-ċentri ta' detenzjoni, speċjalment it-tfal, minuri mhux akkumpanjati, in-nisa tqal u l-persuni b'mard serju.

1.20

Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar iż-żieda fl-Ewropa tal-intolleranza, ir-razziżmu u l-ksenofobija kontra l-immigranti; jinsab allarmat ukoll li f'ċerti Stati Membri qed jitnaqqar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-persuni.

1.21

L-istituzzjonijiet Komunitarji kollha tennew l-importanza tal-immigrazzjoni għall-UE, għal raġunijiet ekonomiċi kif ukoll demografiċi. L-Istrateġija Ewropa 2020 targumenta b'dan il-mod ukoll. Kif stqarr kemm-il darba l-KESE, il-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni għalhekk trid tkun proattiva u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, tiġġieled kontra diskriminazzjoni soċjali jew dik marbuta max-xogħol u tiżviluppa aktar l-aġenda ta' integrazzjoni.

1.22

L-UE għandha tadotta sistema komuni ta' asil abbażi ta' leġislazzjoni armonizzata. Il-Konvenzjoni ta' Dublin għandha tiġi sostitwita b'sistema iżjed inklużiva fi ħdan l-UE li tqis ix-xewqat tal-applikanti għall-asil u li tiżgura distribuzzjoni iktar proporzjonata tar-responsabbiltajiet fost l-Istati Membri.

1.23

Ir-Regolament il-ġdid dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni jagħti attenzjoni speċjali lil sitwazzjonijiet ta' emerġenza u ta' kriżi. Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi assigurat li l-UE tkun kapaċi taġixxi b’mod flessibbli, b’biżżejjed riżorsi finanzjarji għall-emerġenzi. Il-wasla ta' ħafna nies mis-Sirja u żoni oħra ta' gwerra fl-Afrika tfisser li l-UE trid tieħu azzjoni, għaliex dawn huma sitwazzjonijiet ta' emerġenza umanitarja.

2.   Introduzzjoni

2.1

In-nuqqas totali ta' politika komuni Ewropea dwar l-immigrazzjoni, l-avvenimenti traġiċi reċenti u kontinwi ta' mwiet fil-baħar qrib il-Libja, Malta, il-Greċja, l-Italja u Spanja, l-ammont dejjem ikbar ta' refuġjati li qed jaslu mal-fruntieri tas-Sirja, il-kumplessità tal-problema u l-ammont kbir ta' nies, huma kollha fatturi li qed jagħmlu pressjoni konsiderevoli fuq il-kapaċità tal-pajjiżi Mediterranji b'mod partikolari biex jirreaġixxu. Huwa għalhekk li l-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-kwistjonijiet tal-immigrazzjoni ser ikomplu jkunu prijorità għall-Italja, bħala l-Istat Membru li bħalissa għandu l-Presidenza tal-UE, l-istess bħalma kienu għall-Greċja, il-Presidenza preċedenti.

3.   L-Ewropa u l-governanza internazzjonali tal-migrazzjoni

3.1

Fis-seklu 21, ser jiżdiedu kemm il-mobilità tal-persuni kif ukoll il-flussi migratorji. Attwalment, 3 % biss tal-popolazzjoni dinjija tgħix barra mill-pajjiż tat-twelid, iżda fil-futur iċ-ċaqliq tal-persuni għandu jiżdied (ir-rata ta' tkabbir annwali hija ta' 3 %). Għandu jiġi nnotat li, barra minn hekk, il-flussi migratorji qed jiżdiedu bejn il-pajjiżi fin-Nofsinhar, b'mod speċjali lejn dawk li huma magħrufa bħala pajjiżi emerġenti. Il-mobilità bejn l-Istati Membri tal-UE (2) u fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea qed tiżdied ukoll.

3.2

Il-faqar, il-qgħad, ix-xejriet demografiċi, in-nuqqas ta' opportunitajiet, il-kunflitti, id-diżastri ekoloġiċi u t-tibdil fil-klima huma wħud mill-kawżi li jwasslu għall-migrazzjoni internazzjonali.

3.3

Il-KESE ppropona li, fl-ambitu tal-politika esterna tagħha, l-UE għandha tippromovi qafas legali internazzjonali għall-migrazzjoni u l-mobilità li ser itaffi l-pressjoni fuq l-Istati Membri. Dan il-qafas legali internazzjonali għandu jinkludi l-konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u l-Membri tal-Familja tagħhom, li għadha ma ġietx ratifikata mill-Istati Membri tal-UE (3). Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tħejji rapport dwar il-miżuri li qed jieħdu l-Istati Membri, sabiex twitti t-triq għar-ratifika tal-konvenzjoni fil-futur qarib.

3.4

L-għan ewlieni ta' din l-Opinjoni huwa li jiġu analizzati u enfasizzati l-kwistjonijiet ewlenin li jitqajmu mill-immigrazzjoni b'mod ġenerali, kif ġie indikat, sabiex jinstabu soluzzjonijiet komprensivi li se jiżguraw politika dwar l-immigrazzjoni li hija effettiva iżda li tirrispetta wkoll id-drittijiet tal-immigranti.

4.   Id-dimensjoni interna: il-politika komuni tal-UE dwar l-immigrazzjoni, l-asil u l-integrazzjoni

4.1   Il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni

4.1.1

F'dawn l-aħħar għaxar snin, l-UE bdiet tadotta b'mod gradwali qafas legali komuni għal aspetti bħall-istatus ta' resident fit-tul u r-riunifikazzjoni tal-familji. Il-kundizzjonijiet ta' dħul ġew armonizzati għall-istudenti u r-riċerkaturi, u hemm il-Karta Blu għal migranti bi kwalifiki għoljin. Ġiet adottata wkoll leġislazzjoni orizzontali, bil-permess waħdieni għall-ħaddiema migranti u d-Direttiva dwar l-ammissjoni ta' ħaddiema temporanji u d-Direttiva għall-ammissjoni ta' ċessjonarji intrakorporattivi.

L-UE teħtieġ tagħti spinta lill-politika komuni dwar l-immigrazzjoni għax-xogħol u jkollha qafas legali koerenti, komprensiv, orizzontali u ggwidat mir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema, it-trattament indaqs, il-ħtiġijiet tal-intrapriżi u l-impjieg legali ta' ħaddiema migranti. Tinħtieġ leġislazzjoni u kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini, li jagħmlu possibbli l-immigrazzjoni għax-xogħol permezz ta' mezzi legali u trasparenti, kemm għall-ħaddiema bi kwalifiki għoljin kif ukoll għal dawk inqas ikkwalifikati.

Huma meħtieġa politika komprensiva u koerenti dwar l-immigrazzjoni, l-asil u l-ġestjoni tal-fruntieri u armonizzazzjoni leġislattiva, bil-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri, l-amministrazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, is-SEAE u l-korpi Ewropej rilevanti.

4.1.2

Il-KESE u l-Kummissjoni qed jikkooperaw mill-qrib fir-rigward tal-politiki dwar l-integrazzjoni. B'rabta mal-Prinċipji Bażiċi Komuni, l-UE qed tiżviluppa aġenda għall-intergrazzjoni, li għandha wkoll fond finanzjarju. Il-KESE u l-Kummissjoni ser ikomplu jikkooperaw fl-attivitajiet tal-Forum Ewropew

4.2   Sistema komuni ta' asil

4.2.1

L-UE qed tiżviluppa sistema komuni ta' asil u leġislazzjoni ta' armonizzazzjoni, iżda għadna 'l bogħod minn sitwazzjoni adegwata, peress li l-Istati Membri għad għandhom politiki u leġislazzjonijiet differenti (4).

4.2.2

Il-Kumitat ikkritika l-fatt li l-UE ftit li xejn turi solidarjetà fil-qasam tal-asil, peress li 90 % tal-applikazzjonijiet għall-asil ġew ipproċessati f'għaxar Stati Membri biss. F'termini relattivi, huma l-iżgħar pajjiżi, bħal Malta, Ċipru kif ukoll il-Greċja, li qed jiffaċċjaw l-ikbar pressjoni.

4.2.3

Il-Konvenzjoni ta' Dublin tiddetermina l-Istat Membru li jkun responsabbli biex jeżamina kull applikazzjoni għal asil, iżda l-KESE huwa tal-fehma li din is-sistema ma toħloqx solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE. L-applikant għall-asil għandu jkollu l-possibbiltà jressaq it-talba tiegħu fi kwalunkwe Stat Membru. Fuq perjodu medju ta' żmien, l-UE għandha tiġi fdata b'setgħat ġodda biex tiżgura li hi, u mhux l-awtoritajiet nazzjonali, tiġġestixxi t-talbiet. B'dan il-mod, it-talbiet ikunu jistgħu jiġu analizzati iktar malajr u l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-asil ikunu jistgħu jittejbu wkoll. Fil-qosor, il-Konvenzjoni ta' Dublin għandha tiġi sostitwita b'sistema iżjed inklużiva fi ħdan l-UE, li tqis ix-xewqat tal-applikanti għall-asil u tiżgura distribuzzjoni iktar proporzjonata tar-responsabbiltajiet fost l-Istati Membri.

4.2.4

Bil-għan li l-Istati Membri jiġu megħjuna fl-iżvilupp tas-sistema l-ġdida tal-asil, twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), li se jipprovdi wkoll għajnuna teknika u operattiva. L-EASO għandu jkollu l-kompitu li jivvaluta s-sistemi nazzjonali tal-asil u l-konformità tagħhom mal-liġijiet u mad-drittijiet fundamentali Ewropej u internazzjonali.

4.2.5

Il-KESE jipproponi li l-programmi ta’ risistemazzjoni jiġu estiżi għat-trasferiment tar-refuġjati minn barra l-UE u r-risistemazzjoni tagħhom fi ħdan il-fruntieri tagħha, bil-kooperazzjoni ta' pajjiżi terzi u l-UNHCR.

4.2.6

Il-Kumitat jipproponi wkoll l-espansjoni tal-programmi ta’ rilokazzjoni fi ħdan l-UE, bl-għoti ta’ inċentivi finanzjarji għal dawk l-Istati Membri li jissieħbu fihom. Il-Kumitat huwa tal-fehma li attwalment ftit li xejn hemm solidarjetà bejn l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda r-risistemazzjoni u r-rilokazzjoni tal-benefiċjari tal-protezzjoni u l-applikanti għall-asil.

4.2.7

Ir-rilokazzjoni għandha sseħħ fuq il-bażi ta' mekkaniżmu stabbilit u permanenti. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġislattiva għal mekkaniżmu permanenti u effikaċi ta' rilokazzjoni ġewwa l-UE, bl-użu ta' koeffiċjent ta' distribuzzjoni tal-UE għar-rilokazzjoni tal-applikanti għall-asil, kif ġie deskritt fir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-asil (2012/2032 INI). Biex jiġi żgurat li dan il-mekkaniżmu jkun kemm jista' jkun effikaċi, din il-proposta leġislattiva għandha tqis ukoll l-esperjenza prattika miksuba mill-proġett pilota għal Malta, EUREMA (5).

4.3   Il-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari

Il-KESE huwa tal-fehma li hija meħtieġa aktar solidarjetà fl-UE. Ċerti reġjuni Ewropej qed jiffaċċjaw problemi speċifiċi minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, peress li huma ta' sikwit punti intermedji għall-immigrazzjoni irregolari, u kultant jilqgħu volum ta' immigranti li jkun aktar minn kemm jifilħu. L-UE għandha tistabbilixxi proċeduri għall-għoti ta' appoġġ finanzjarju, operattiv u ta' akkoljenza, u tqis, fost affarijiet oħra, is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istati Membri individwali.

4.3.1

Ir-rabta bejn l-immigrazzjoni u l-kriminalità li toħroġ fid-dieher f'ċerti diskorsi politiċi mhijiex riflessa fil-prattika u tqanqal imġiba ksenofobika. Il-biċċa l-kbira tal-immigranti li mhumiex fl-UE b'mod regolari jkunu daħlu legalment fuq viża għal perjodu qasir ta' żmien u jtawlu ż-żjara tagħhom, jew ikollhom permess ta' immigrazzjoni għal perjodu determinat u ma jmorrux lura meta jiskadi.

4.3.2

Ħafna minn dawn il-persuni jaħdmu f'kundizzjonijiet tax-xogħol inġusti, jekk mhux kompletament barra mill-ambitu tal-liġi tax-xogħol, jew fl-ekonomija mhux iddikjarata, u jsibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' esklużjoni soċjali. Fid-dawl ta' ċerti sitwazzjonijiet ta' dan it-tip, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-KESE appoġġjaw proċessi ta' regolarizzazzjoni tal-qagħda tal-immigranti irregolari u b'mod iktar ġenerali appellaw lill-UE biex tadotta proposti, rakkomandazzjonijiet u miżuri sabiex tevita li jinħolqu sitwazzjonijiet bħal dawn.

4.3.3

Id-drittijiet tal-immigranti irregolari jridu jiġu mħarsa fiċ-ċirkostanzi kollha, mill-mument tas-salvataġġ jew l-arrest tagħhom sakemm jingħataw protezzjoni jew jiġu ritornati fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom. Il-migrazzjoni irregolari bil-baħar spiss twassal għat-telf tal-ħajjiet. Għaldaqstant, il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali tal-bniedem f'kull waqt.

4.4   Il-fruntieri esterni u l-viżi ta' dħul

4.4.1

L-Unjoni Ewropea għandha bżonn politika tal-fruntieri esterni li tkun kredibbli, effettiva, leġittima u soġġetta għal kontrolli demokratiċi. L-Istati Membri fiż-żona Schengen ma jagħmlux kontrolli fil-fruntieri li jaqsmu ma' xulxin. Għalhekk, iridu jikkooperaw u jaqsmu r-responsabbiltà tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħhom. Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jirregola l-passaġġ bejn fruntieri u l-kontrolli, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw biex jidħlu u jibqgħu sa tliet xhur. L-UE tħejji listi ta' pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom jeħtieġu viża ta' dħul.

4.4.2

Il-KESE huwa tal-fehma li r-rwol tal-Frontex għandu jissaħħaħ sabiex, fuq perjodu medju ta' żmien, jiġi żviluppat f'servizz Ewropew ta' għassies tal-fruntieri, magħmul minn kontinġent Ewropew ta' gwardji tal-fruntiera. Il-funzjoni prinċipali tal-Aġenzija tkun l-applikazzjoni tar-regoli komuni previsti fil-Kodiċi tal-Fruntieri. Il-KESE huwa tal-fehma li trid tissaħħaħ is-solidarjetà tal-UE lejn l-Istati Membri, u tikkunsidra l-pożizzjoni ġeografika tagħhom.

4.4.3

Filwaqt li jiġu miġġielda l-kummerċ u t-traffikar illegali tal-persuni, għandu jiġi żgurat li l-vittmi jkunu protetti permezz tal-leġislazzjoni umanitarja internazzjonali u l-konvenzjonijiet Ewropej dwar id-drittijiet tal-bniedem. Skont l-Artikolu 6(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, il-gwardji tal-fruntieri m'għandhomx jiddiskriminaw kontra l-persuni abbażi ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali, u skont l-Artikolu 13, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jitħallewx jidħlu f'pajjiż għandhom id-dritt li jfittxu rimedju.

4.4.4

Il-Kumitat jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni biex tiġi emendata l-leġislazzjoni dwar il-viżi. Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi hija fundamentali fil-politika tal-viżi, li f'bosta każi tinkludi r-reċiproċità.

4.5   Ritorn

4.5.1

Is-sħubijiet għall-mobilità għandhom jipprevedu proċeduri ta' ritorn li jkunu bbażati primarjament fuq ir-ritorn volontarju, u għandhom ikunu disponibbli wkoll sistemi ta' appoġġ (6). Madankollu, fil-każ li tiġi implimentata proċedura ta' ritorn furzat, id-drittijiet tal-bniedem ta' persuni rimpatrijati jridu jiġu rispettati kompletament, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa (7).

4.5.2

Kwalunkwe ftehim ma' pajjiż terz irid ikun imsejjes fuq il-prinċipju tal-kondizzjonalità pożittiva, bl-offerta ta' għajnuna finanzjarja u t-twaqqif ta' programmi ta' żvilupp sabiex tiġi evitata l-immigrazzjoni irregolari.

4.5.3

Ir-ripatrijazzjoni tal-immigranti li daħlu fl-UE fuq bażi irregolari trid tiġi trattata skont ir-regoli stabbiliti. F'dan ir-rigward, huwa essenzjali li jintlaħqu ftehimiet ta' ritorn mal-pajjiżi terzi biex jiġi assigurat li d-drittijiet tal-migranti li jkunu qed jirritornaw jiġu rispettati għalkollox.

4.5.4

Il-Karta tipprojbixxi espressament tkeċċijiet kollettivi u tiżgura li ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew ikun estradit lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti – il-prinċipju tan-non-refoulement. Madankollu, diversi NGOs ikkundannaw każijiet ta’ tkeċċija kollettiva u ta’ tkeċċija ta’ immigranti irregolari u ta' applikanti għall-asil lejn pajjiżi fejn hemm ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta fihom dispożizzjonijiet applikabbli għal kwalunkwe politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni irregolari u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-protezzjoni fil-każ ta’ ritorn, tkeċċija jew estradizzjoni.

4.5.5

Skont il-mod kif il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) tinterpreta l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, dawk il-persuni li jbatu minn mard serju m’għandhomx jiġu detenuti jew jitkeċċew minħabba li għandhom bżonn ta’ għajnuna medika, u l-istess jgħodd għan-nisa tqal. Is-sitwazzjoni tal-minorenni titlob ukoll attenzjoni u protezzjoni speċifiċi, l-iżjed jekk ma jkunux akkumpanjati.

4.5.6

Il-KESE jtenni l-oppożizzjoni tiegħu għaż-żamma f’ċentri ta’ detenzjoni tal-applikanti għall-asil u l-immigranti irregolari, peress li din għandha tibqa' miżura straordinarja (8). Il-Kumitat jappella għal aktar trasparenza fir-rigward taċ-ċentri ta’ detenzjoni ġewwa u barra l-UE u jitlob li l-UNHCR tinżamm infurmata dwar is-sitwazzjoni tal-persuni li jinżammu f’dawn iċ-ċentri.

5.   Id-dimensjoni esterna tal-politika dwar l-immigrazzjoni u l-asil

5.1   L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità

5.1.1

L-ewwel pass ittieħed fil-Kunsill Ewropew meta adotta l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni (GAM) lejn tmiem l-2005. Bil-għan li tiġi żviluppata iżjed id-dimensjoni esterna tal-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni, il-Kummissjoni nediet diversi inizjattivi.

5.1.2

Is-sħubijiet għall-mobilità huma l-iżjed strument politiku importanti fl-implimentazzjoni tal-GAMM. Il-fażi pilota tal-implimentazzjoni tagħhom intemmet u l-Kummissjoni wettqet valutazzjoni politika tal-implimentazzjoni tagħhom fl-2009 (9).

5.1.3

Il-Kummissjoni rrakkomandat li jiġu indirizzati sfidi ġodda lejn politiki tal-immigrazzjoni u tal-asil (bħall-gwerer u ċ-ċaqliq tal-popolazzjoni fir-reġjun tal-Mediterran) billi jinħoloq djalogu għall-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà fl-UE, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran”, COM(2011) 292. Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-UE nediet djalogi ma' ċerti pajjiżi.

5.1.4

Ġew konklużi sitt sħubijiet għall-mobilità ma' dawn il-pajjiżi: il-Kap Verde (Mejju 2008) (10), il-Moldova (Mejju 2008) (11), il-Ġeorġja (Novembru 2009) (12), l-Armenja (Ottubru 2011) (13), l-Ażerbajġan (Diċembru 2013) (14) u l-Marokk (Ġunju 2013) (15). In-negozjati tas-sħubijiet għall-mobilità mat-Tuneżija ġew konklużi u ġiet iffirmata dikjarazzjoni konġunta fit-3 ta' Marzu ta' din is-sena. Bdew negozjati dwar sħubija għall-mobilità mal-Ġordan li għandhom jiġu konklużi qabel ma tasal fi tmiemha l-Presidenza Griega, filwaqt li waslu biex jibdew djalogi ġodda dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà ma' pajjiżi oħra tan-Nofsinhar tal-Mediterran, bħall-Eġittu, il-Libja, l-Alġerija u l-Libanu. Id-dikjarazzjoni tas-Summit UE-Afrika dwar il-migrazzjoni u l-mobilità (16) għandha approċċ globali, li l-KESE japprova.

5.1.5

Il-Kummissjoni ppubblikat valutazzjoni tal-approċċ globali għall-migrazzjoni (17) fl-2011, u talbet lill-UE ssaħħaħ il-politika esterna tal-migrazzjoni tagħha, u ressqet verżjoni riveduta tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM), abbażi ta' erba' pilastri: 1) l-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni legali u l-mobilità; 2) il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin; 3) il-promozzjoni tal-protezzjoni internazzjonali u t-titjib tad-dimensjoni esterna tal-politika dwar l-asil; u 4) il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp fuq il-migrazzjoni u l-mobilità.

5.1.6

Is-sħubijiet għall-mobilità għandhom ċerti limitazzjonijiet li fil-fehma tal-KESE għandhom jiġu indirizzati fis-snin li ġejjin. Mil-lat legali, huma liġi mhux vinkolanti. Huma dikjarazzjonijiet konġunti bejn l-UE, grupp ta' Stati Membri interessati u pajjiż terz, iżda mhumiex vinkolanti għall-partijiet. In-natura flessibbli tagħhom tgħin biex jintlaħaq ftehim politiku, iżda mingħajr responsabbiltà legali. Kif osserva fil-passat il-KESE (18), is-sħubijiet għall-mobilità għandhom ikunu ftehimiet internazzjonali li huma vinkolanti għall-partijiet kontraenti.

5.1.7

Is-sħubijiet għall-mobilità għandhom jiżviluppaw il-linji ta' mobilità u migrazzjoni tagħhom b'mod iżjed komprensiv u bbilanċjat, u din għandha tkun prijorità għalihom. Sa issa, il-prijoritajiet tagħhom kienu s-sigurtà, ir-ritorn, ir-riammissjoni tal-migranti irregolari u l-kontroll tal-fruntieri. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-djalogu stabbilixxiet li “... iż-żieda fil-mobilità” tiddependi minn kundizzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu sodisfatti minn pajjiżi terzi. Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE għandha tipprovdi lil dawn il-pajjiżi b'opportunitajiet għall-immigrazzjoni permezz ta' proċessi legali u trasparenti (19).

5.1.8

Il-KESE jipproponi li l-UE toffri lill-pajjiżi msieħba mezzi għall-mobilità, il-faċilitar u l-liberalizzazzjoni tas-sistema tal-viżi u l-ammissjoni ta' immigranti ġodda. Il-Kumitat (20) jappoġġja l-fatt li jiġu inklużi kwistjonijiet oħra fil-ftehimiet il-ġodda, pereżempju:

it-titjib fil-kapaċità biex il-provvista tax-xogħol u d-domanda għax-xogħol jiġu bilanċjati;

ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-ħiliet professjonali u akkademiċi;

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ oqfsa legali għat-trasferiment aħjar tad-drittijiet tal-pensjoni;

aċċess imtejjeb għal informazzjoni dwar postijiet vakanti ta’ impjiegi fl-UE;

miżuri biex tittejjeb il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-ħiliet u biex ikun hemm iktar bilanċ bejn il-provvista tax-xogħol u d-domanda għax-xogħol, fuq il-bażi tal-ħidma li diġà saret mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ.

5.1.9

L-istabbiliment mill-UE ta' ċentri tal-migrazzjoni fil-pajjiżi ta' oriġini se jsaħħaħ il-preżenza tal-UE f'dawk il-pajjiżi, filwaqt li jelimina informazzjoni żbaljata li tinxtered minn gruppi kriminali li jmexxu l-kuntrabandu, u jħeġġeġ applikazzjonijiet għal immigrazzjoni legali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili lokali, jew li din tinħoloq fejn għadha ma teżistix.

5.1.10

F'sitwazzjonijiet ta' kriżi umanitarja minħabba ċaqliq massiv, l-istabbiliment ta' ċentri ta' immigrazzjoni u ta' residenza temporanja jista' jiġi ffinanzjat mill-UE, filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-kondizzjonalità pożittiva. Bil-kooperazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, dawn iċ-ċentri jiżguraw li l-persuni li jeħtiġuha jkollhom il-protezzjoni tas-sistema internazzjonali tal-asil.

5.1.11

L-UE trid tilħaq ftehimiet mal-pajjiżi ta' tranżitu, u tqis b'mod speċjali r-rekwiżiti fir-rigward tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tar-ripatrijazzjoni.

5.1.12

L-iffirmar ta' ftehimiet jista' jestendi wkoll għal kooperazzjoni mal-Frontex u mal-Europol. Il-ġlieda kontra l-gruppi ta' kriminalità organizzata li jmexxu l-kuntrabandu hija punt ewlieni għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-immigrazzjoni irregolari. In-nies li jispiċċaw vittmi tat-traffikanti għandhom jiġu kkunsidrati bħala vittmi innoċenti.

5.1.13

Fid-dawl tad-diżastru f'Lampedusa twaqqfet Task Force għall-Mediterran fil-Kunsill ĠAI tas-7 u t-8 ta' Ottubru 2013. Dan il-grupp temm ħidmietu bil-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force fil-Mediterran COM(2013) 869, li fiha pakkett ta' azzjonijiet fuq perjodu qasir, medju u twil ta' żmien f'ħames oqsma ta' azzjoni prinċipali: azzjonijiet bil-kooperazzjoni ta' pajjiżi terzi; protezzjoni reġjonali, risistemazzjoni u mezzi legali msaħħa ta' aċċess għall-UE; il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-kuntrabandu u l-kriminalità organizzata; it-tisħiħ tal-kontroll tal-fruntieri; u għajnuna u solidarjetà lill-Istati Membri li qed jaffaċċaw pressjoni migratorja qawwija.

5.1.14

Fil-fehma tal-KESE, huwa fundamentali li l-azzjonijiet fuq perjodu qasir ta' żmien ikunu kkomplementati b'miżuri fit-tul bil-għan li jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni mhux volontarja.

5.1.15

Il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013 appoġġja l-miżuri proposti u tenna l-bżonn ta' azzjoni deċiżivabiex ma jkunx hemm telf ta' ħajjiet fil-baħar u jiġu evitati traġedji fil-futur. Ikkonferma l-prijorità ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi biex jiġu pprevenuti ġrajjiet bħal dawn.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ara REX/375 u REX/351.

(2)  Ara SOC/373.

(3)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 134-141.

(4)  L-UE għandha ċerti obbligi fir-rigward tal-politika tal-asil taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll konvenzjonijiet internazzjonali.

(5)  EUREMA huwa proġett pilota tal-UE għar-rilokazzjoni fl-UE tal-benefiċċjarji tal-ħarsien internazzjonali minn Malta, approvat mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009 (dokument 11225/2/09 CONCL 2).

(6)  B'kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni.

(7)  “Twenty Guidelines on Forced Return”, CM(2005)40 [“Għoxrin linja gwida dwar ir-ritorn furzat”]

(8)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tas-16 ta' Ġunju 2009 dwar “Standards minimi dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-ażil”, relatur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière, adottata fis-sessjoni plenarja tal-15 u s-16 ta' Lulju 2009.

(9)  Kummissjoni Ewropea (2009), Sħubijiet għall-Mobbiltà bħala għodda għall-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, SEC(2009) 1240, Brussell, 18 ta' Settembru.

(10)  Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2008), Dikjarazzjoni konġunta dwar sħubija għall-mobilità bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kap Verde, 9460/08 ADD2, Brussell, 21 ta' Mejju.

(11)  Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2008), Dikjarazzjoni konġunta dwar sħubija għall-mobilità bejn l-Unjoni Ewropea u l-Moldova, 9460/08 ADD1, 21 ta' Mejju.

(12)  Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2009), Dikjarazzjoni konġunta dwar sħubija għall-mobilità bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorgja, 16396/09 Brussell, 20 ta' Novembru.

(13)  Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2011), Dikjarazzjoni konġunta dwar sħubija għall-mobilità bejn l-Unjoni Ewropea u l-Armenja, 14963/1/11, it-Tlieta, 11 ta' Ottubbru 2011.

(14)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-1215_en.htm 5.12.2013.

(15)  Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2013), Dikjarazzjoni konġunta dwar sħubija għall-mobilità bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk, 6139/13, 3 ta' Ġunju 2013.

(16)  Summit UE-Afrika 2-3 ta' April 2014, Brussell.

(17)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ''L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità'', COM(2011) 743 final, 18.11.2011.

(18)  Ara REX/351.

(19)  Ara REX/351.

(20)  Ara SOC/268 u REX/236.


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/10


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ikkompletar tal-UEM Il-proposti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġiżlatura Ewropea li jmiss”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2014/C 451/02)

Relaturi:

is-Sur van IERSELs-Sur CEDRONE

Nhar id-19 ta' Settembru 2013, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-ikkompletar tal-UEM – Il-proposti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġislatura Ewropea li jmiss

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Mejju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'195 vot favur, 8 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Pjan direzzjonali għal-leġislatura Ewropea li jmiss

Billi jqis l-isfidi enormi li qed tiffaċċja l-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) tal-UE, il-KESE jemmen li:

l-għan tal-UEM, bħala l-qofol fi kwalunkwe żvilupp ulterjuri tal-UE, huwa l-promozzjoni tal-kwalità tal-ħajja, il-prosperità u l-istabbiltà taċ-ċittadin Ewropew. L-iżvilupp tal-fiduċja u l-kundizzjonijiet favorevoli għall-ekonomija reali huma prerekwiżiti għat-tkabbir, l-impjieg, il-kompetittività u l-investiment. Dawn l-aspetti jenfasizzaw it-tifsira tal-UEM kemm għall-membri taż-żona tal-euro kif ukoll għal dawk li mhumiex;

il-fatt li ma jistgħux jiġu mbassra żviluppi eventwali jġiegħel liż-żona tal-euro biex b'mod urġenti tistabbilixxi l-kundizzjonijiet it-tajbin, għax fil-kuntest globalizzat tal-lum, m'hemm l-ebda pajjiż Ewropew li jista' jiggarantixxi l-libertà tal-azzjoni tiegħu stess. Dan għandu konsegwenzi kbar għall-governanza tal-UEM kif ukoll għall-politiki tagħha;

l-UEM mhijiex iżolata waħedha. Oriġinarjament hija tfasslet bħala l-kisba ta' żona Ewropea interna miftuħa u tas-Suq Uniku. Minbarra d-dixxiplina fiskali, hemm bżonn li l-UE u l-Istati Membri jfasslu flimkien politiki ekonomiċi u soċjali ta' appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi bħala fatturi ewlenin li jservu ta' bażi għal konsolidazzjoni li tirnexxi (1);

ser ikun hemm bżonn ta' aġġustamenti profondi fil-politiki ekonomiċi u strutturali, li sa ftit ilu kienu tista' tgħid oqsma esklussivament nazzjonali, sabiex jiġi żgurat proċess ta' konverġenza bejn l-Istati Membri f'għadd ta' oqsma. Il-bini tal-fiduċja komuni għandu jieħu post in-nuqqas ta' fiduċja u t-tensjonijiet. Unjoni aktar magħquda taffettwa lis-soċjetà kollha. Għandhom jiġu żgurati djalogi soċjali u ċivili fil-livelli kollha.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet t'hawn fuq, il-KESE jappella biex il-leġislatura li jmiss tistabbilixxi b'mod urġenti pjan direzzjonali biex jindirizza l-problemi li qed jagħfsu.

Għal dan il-għan, il-KESE jipproponi:

I.

L-ikkompletar tal-UEM, żgurat permezz ta' struttura ta' governanza u ġestjoni soda taż-żona tal-euro u msejjes fuq:

i.

pilastru monetarju u finanzjarju, inkluża l-implimentazzjoni ta' Unjoni Bankarja sħiħa mmexxija mill-UE biex twassal għal suq kapitali pan-Ewropew, filwaqt li jiġu protetti l-kontributuri minn riskji eċċessivi u l-fatt li ma jitħallsux id-djun;

ii.

pilastru ekonomiku, adatt għall-interdipendenza li qed tikber tal-Istati Membri, kemm fil-livell makro kif ukoll mikro, biex jissaħħaħ il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-politika ekonomika, biex b'hekk jitħeġġu t-tkabbir, l-impjieg, il-kompetittività, il-konverġenza u s-solidarjetà Ewropea;

iii.

pilastru soċjali li jikkunsidra korrettament l-effetti soċjali tal-aġġustamenti ekonomiċi;

iv.

pilastru politiku, inklużi responsabbiltà u leġittimità demokratika akbar, biex jitrawmu l-kredibbiltà u l-fiduċja.

II.

It-tnedija b'urġenza ta' pjan Ewropew ġenwin għat-tkabbir u l-impjiegi bbażat fuq programm ta' investiment sostanzjali xprunat minn investiment pubbliku u privat, li jwassal għal impuls fiskali. L-ibbilanċjar mill-ġdid u l-implimentazzjoni adatta ta' strumenti eżistenti, b'mod partikolari s-“six-pack” (pakkett ta' sitt proposti leġislattivi), it-“two-pack” (it-tieni pakkett ta' proposti għall-governanza ekonomika) u s-Semestru Ewropew għandhom jiġu żgurati;

III.

It-twaqqif ta' kalendarju u arranġamenti għat-tnedija ta' Ewropa politika b'mod globali, inkluż proċess ta' riflessjoni dwar l-istruttura istituzzjonali tagħha fil-kuntest ta' konvenzjoni Ewropea ġdida;

IV.

It-tnedija ta' strateġija ta' komunikazzjoni u semplifikazzjoni dwar l-UEM, bħala sforz konġunt mill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili.

2.   UEM, il-pedament

2.1

Il-KESE jisħaq li l-impatt ta' UEM kompleta u li tirnexxi jmur lil hinn mill-arranġamenti baġitarji, monetarji, u bankarji. Tmexxija ffukata għandha tnebbaħ liċ-ċittadini u lill-aġenti ekonomiċi jemmnu fil-missjoni komuni u fis-sens ta' appartenenza għall-Ewropa.

2.2

Il-ħames snin li ġejjin huma kruċjali sabiex l-arkitettura tal-UEM, li għadha fraġli, tiżviluppa sal-maturità tagħha. Fuq kollox, dan jitlob għal sjieda, ftuħ u trasparenza; għalhekk għandna bżonn ta' politiki effettivi, kif ukoll diskors sempliċi u ċar – mingħajr logħob bil-kliem! – mill-gvernijiet tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, mill-Kunsill u mill-korpi l-oħra kollha tal-UE.

2.3

L-istess kif talbu xi wħud mill-politiċi Ewropej importanti, il-KESE jqis li l-unjoni politika hija punt ta' referiment għall-futur (2). Bi qbil mal-argumenti tagħhom, il-KESE ma jqisx li l-unjoni politika tirrappreżenta biss it-twettiq finali tal-UEM fiha nnifisha, iżda wkoll fil-kuntest internazzjonali usa' tad-dinja globalizzata tal-lum, li huwa ta' sfida fundamentali għas-sovranità tal-istati individwali u l-kapaċitajiet regolatorji tagħhom.

2.4

Fid-dinja globalizzata tal-lum, m'hemm l-ebda stat Ewropew individwali li jista' jissopravvivi waħdu. Għaldaqstant, is-sovranità tal-istati hija garantita aħjar f'qafas politiku u ekonomiku komuni.

2.5

Ir-rapport tal-President Van Rompuy “Lejn UEM ġenwina” u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tikkorrispondi għalih ta' Novembru u Diċembru 2012 ippreżentaw abbozz ta' pjan direzzjonali b'miżuri konkreti fuq l-istess linji. Il-KESE laqa' l-pjan b’sodisfazzjon (3). Il-kwistjoni ewlenija hija li, minkejja l-progress sostanzjali li sar, is-separazzjoni bejn it-tmexxija ta' munita komuni u l-governanza ekonomika intergovernattiva toħloq tensjonijiet enormi. Il-KESE jinsisti li r-rapport ta' Van Rompuy jibqa' l-bażi għall-politika għall-inizjattivi leġislattivi fiż-żmien li ġej.

2.6

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja affettwat liż-żona tal-euro b'mod partikolari, u kixfet il-limitazzjonijiet tal-UEM bħalissa. Aktar minn tqegħid ta' ġebla fil-bini tal-integrazzjoni Ewropea, l-euro ġie perċeput minn ħafna bħala xatba li tifred lill-pajjiżi u lis-soċjetà ċivili, u li jipperikola l-ġejjieni nnifsu tal-Unjoni. Din il-perċezzjoni żbaljata ma tirrikonoxxix li l-kriżi, bl-oriġini tagħha primarjament barra miż-żona tal-euro, kienet tkun iktar profonda mingħajr il-munita unika.

2.7

Bħalissa d-differenzi ekonomiċi u l-iżbilanċi eżistenti bejn gruppi ta' pajjiżi, li ilhom mill-1991 u li qatt ma ġew indirizzati, qed iwaqqfu l-progress fil-proċess ta' integrazzjoni. Saħansitra qed jinbtu xejriet perikolużi ta' qsim u ta' rinazzjonalizzazzjoni.

2.8

B'dan il-mod il-ġejjieni jsir imprevedibbli. Is-sinjali ta' rkupru qed isostnu l-ottimiżmu u jeliminaw l-istat ta' kriżi. Madankollu, parzjalment minħabba li l-UEM mhix kompluta, u minħabba l-frammentazzjoni tas-suq finanzjarju Ewropew, huwa mistenni li r-rati ta' tkabbir baxxi/moderati se jippersistu għal tul ta' żmien konsiderevoli. Minħabba l-volatilità tal-ekonomija u r-riperkussjonijiet li jista' jkun hemm fis-snin li ġejjin, il-KESE jwissi kontra l-kompjaċenza dwar dawn il-kwistjonijiet.

2.9

F'dan il-kuntest, id-deċiżjonijiet reċenti, inklużi s-“six-pack”, it-“two-pack” u l-Unjoni Bankarja, minkejja li limitati, kienu meħtieġa ħafna u urġenti. Madanakollu, dawn il-mekkaniżmi ta' governanza ġodda huma bbażati l-aktar, wieħed jista' jgħid, fuq tħassib dwar il-baġit u l-istabbiltà milli fuq tħassib dwar in-nies, li huwa għaliex it-tkabbir u l-miżuri soċjali tħallew barra. Barra minn hekk, il-proċess twil tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-kumplessità tas-sistema jwasslu għal reżistenza, fil-beraħ jew le, fl-Istati Membri u fil-Kunsill b'konsegwenza tan-nuqqas ta' fiduċja politika u l-enfasi fuq s-sovranità nazzjonali. Din is-sitwazzjoni diġà wasslet għal spejjeż ekonomiċi u soċjali għall-Unjoni u naqqset il-pożizzjoni internazzjonali tagħha, u b'hekk it-trawwim tal-fiduċja isir importantissimu biex jingħelbu l-ostakli.

2.10

Għaldaqstant, il-KESE jinsisti fuq pjan direzzjonali konvinċenti għal-leġislatura Ewropea li ġejja li jfassal, bi skadenzi preċiżi, il-passi li jmiss li għandhom jiffukaw fuq l-ikkompletar tal-UEM f'rabta mill-qrib mal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 u mal-inizjattivi ewlenin tagħha. Din l-Opinjoni tipproponi wħud mill-elementi essenzjali għal pjan direzzjonali bħal dan.

2.11

L-integrazzjoni differenzjata fi ħdan l-UE, li diġà ġiet applikata b'suċċess għal għadd ta' oqsma ta' politika, għandha tkompli tkun prinċipju ċentrali. Ħafna mid-deċiżjonijiet neċessarji biex tiġi kkompletata l-UEM jistgħu jittieħdu taħt il-liġi eżistenti u/jew permezz ta' kooperazzjoni mtejba, filwaqt li oħrajn ser jeħtieġu trattat ġdid u/jew bidliet għat-trattati eżistenti. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jagħmluha possibbli li jitpatta għad-dewmien fl-ikkompletar tal-UEM u biex jittieħdu sensiela ta' miżuri malajr, mingħajr ma jiġu ttraskurati l-perspettivi għat-tul, peress li anke ż-żona tal-euro teħtieġ riformi strutturali ġenwini fil-livell istituzzjonali maġenb dawk li jridu jitwettqu fil-pajjiżi individwali.

3.   L-ewwel stadji: pjan ġenwin għat-tkabbir u l-impjiegi skont il-leġislazzjoni eżistenti

3.1

Pass inizjali u immedjat fil-pjan direzzjonali għat-terminu leġislattiv Ewropew li jmiss ikun l-iffirmar u t-twettiq ta' patt ġenwin għat-tkabbir, l-impjiegi u l-istabbiltà biex tingħata spinta lill-irkupru u jinħolqu l-kundizzjonijiet biex id-dejn jitħallas lura (Patt Ġdid Ewropew jew New Deal). Dan il-pjan ikollu jikkonsisti f'mill-inqas il-punti li ġejjin:

Eurobonds maħruġa mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) (diġà implimentati parzjalment permezz ta' bonds tal-proġetti), mingħajr ma jiżdied id-dejn tal-pajjiżi, biex jiġu ffinanzjati l-SMEs u l-proġetti fl-infrastruttura, is-saħħa, l-edukazzjoni, ir-riġenerazzjoni urbana, l-ambjent u n-netwerks trans-Ewropej. Azzjonijiet immirati bħal dawn mill-BEI u l-FEI jagħtu sinjal ta' impenn Ewropew attiv sabiex jittejjeb l-ambjent finanzjarju għall-investimenti privati (4);

investiment pubbliku, inkluż fis-settur soċjali (5), mill-Istati Membri biex jiżdied mal-investiment pubbliku tal-UE permezz ta' sistema ta' parametri maqbula b'mod komuni li, flimkien mar-riformi strutturali t-tajbin, irawwmu wkoll l-investiment privat (regola tad-deheb);

id-dilwizzjoni, jew is-sospensjoni temporanja matul il-kriżi, tal-politiki tal-awsterità, li huma fost il-kawżi ewlenin tar-riċessjoni, it-tnaqqis fid-domanda u ż-żieda fil-qgħad, u dewmu l-bidu tal-irkupru. Fi kliem ieħor għandha tiġi żgurata bidla minn awsterità biss għal riformi maqbulin b'mod komuni li jappoġġjaw it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u ż-żieda fil-produttività (6).

fl-implimentazzjoni tas-Six-pack, tat-Two-pack u tal-Patt Fiskali, għandhom jiġu inklużi miżuri ta' akkumpanjament maqbula dwar it-tkabbir, l-impjieg u aspetti soċjali;

applikazzjoni aħjar tas-Semestru Ewropew: fit-triq lejn unjoni ekonomika, is-Semestru, li għandu erba' snin, għandu rwol indispensabbli fil-proċess ta' konverġenza u aġġustament tal-ekonomiji. Minkejja li huwa r-riżultat tal-metodu nonregolatorju ta' koordinazzjoni, jista' jħalli riżultati tajbin. Madanakollu, għandu jiġi implimentat korrettament u jkun aktar trasparenti u kkomunikat kif suppost. L-involviment u l-impenn tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, irid jiġi żgurat;

konformità adegwata mal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma: il-governanza hija kruċjali. Il-mod kif jaħdmu l-amministrazzjonijiet nazzjonali huwa deċiżiv għal dan, u t-titjib neċessarju, fejn xieraq, għandu jiġi enfasizzat b'mod ċar. L-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, inklużi dawk dwar il-kwalità tal-amministrazzjoni nazzjonali, għandhom jiġu valutati mill-partijiet interessati kollha u mmonitorjati mill-qrib mill-Kummissjoni;

sjieda sħiħa mill-Istati Membri: il-proċess tas-Semestru, kif inhu bħalissa, għadu teknokratiku ħafna, u dan qed ixekkel l-implimentazzjoni tiegħu. Il-parlamenti nazzjonali għandhom jiġu integrati fil-proċess permezz ta' diskussjoni adatta tas-semestru, flimkien mal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili (7).

4.   L-approfondiment u l-ikkompletar tal-UEM fit-terminu leġislattiv li jmiss

4.1   Il-pilastru monetarju u finanzjarju

4.1.1

Rigward il-politika monetarja, f'konformità ma' governanza makroekonomika msaħħa fiż-żona tal-euro, il-mandat tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu jiġi kompletat biex jiġi daqs banek ċentrali oħra barra l-Ewropa u dawk ta' pajjiżi Ewropej barra l-UE u ż-żona tal-euro, biex ikun jista', fost affarijiet oħra, jaġixxi ta' mutwanti tal-aħħar istanza u bħala msieħeb ugwali fil-fora internazzjonali, filwaqt li tiġi rispettata l-awtonomija sħiħa tiegħu. Il-BĊE għandu jkollu s-setgħa sħiħa biex jevita kriżijiet ta' likwidità b'mod li jiffavorixxi l-investiment (SMEs).

4.1.2

Madanakollu, il-BĊE ma jistax jinżamm responsabbli waħdu. Fit-triq lejn unjoni fiskali u ekonomika, hemm bżonn essenzjali ta' Unjoni Bankarja  (8). Minħabba relazzjoni persistenti bejn il-gvernijiet u l-banek, l-Istati Membri għadhom isibuha bi tqila biex joħolqu l-kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi neċessarji, li jwassal biex jiġu postposti d-deċiżjonijiet l-aktar adattati u effettivi (9). Dan ifixkel ukoll is-superviżjoni effettiva mill-BĊE fuq il-banek kollha, li għandha tibbilanċja l-frammentazzjoni finanzjarja, taqta' r-rabtiet mhux mixtieqa bejn il-politiki nazzjonali u l-banek, u toħloq kundizzjonijiet favorevoli għal fużjoni transkonfinali ta' banek.

4.1.3

Waqt in-negozjati mal-Kunsill dwar l-Unjoni Bankarja, il-Parlament Ewropew irnexxielu jilħaq qbil dwar il-progress lejn Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni tal-Banek (10). Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (PE). Fil-futur qarib id-deċiżjonijiet għandhom jikkontribwixxu għal suq tal-kapital Ewropew unifikat, komparabbli għal dak tal-Istati Uniti.

4.1.4

Unjoni Bankarja kompleta teħtieġ Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni li jkun strutturat tajjeb, Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti armonizzati fl-Istati Membri, u Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà li jippermetti rikapitalizzazzjoni diretta tal-banek (11). Is-sistema relatata tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tkun effiċjenti u tiżgura azzjoni rapida. Il-proċess tal-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' dawn l-elementi għandu jitgħaġġel.

4.1.5

L-Unjoni Bankarja waħidha mhijiex biżżejjed biex tistimula l-ekonomija u l-investimenti. Biex is-settur finanzjarju Ewropew isir aktar reżistenti, l-aġenda għas-snin li ġejjin għandha tiffoka wkoll fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-Basel III, fuq il-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja u fuq is-sejbien ta' soluzzjoni għal banek li huma “kbar wisq biex ifallu” f'konformità ma' ftehimiet internazzjonali (G-20).

4.1.6

Il-Kummissarju Barnier dan l-aħħar ippubblika pakkett leġislattiv voluminuż dwar il-banek u s-swieq finanzjarji li jista' jagħti kontribut importanti għat-tħaddim tajjeb tas-swieq finanzjarji fl-Ewropa, kif ukoll biex jinħoloq settur bankarju stabbli u ta' min jafda fuqu. Dan huwa ta' importanza fundamentali għall-ekonomija reali. L-aktar deċiżjonijiet tal-Kunsill riċenti f'dan il-qasam ma jersqux ħlief parzjalment lejn din id-direzzjoni mixtieqa.

4.1.7

Waħda mill-ogħla prijoritajiet għall-irkupru u t-tkabbir tal-ekonomija u għall-iżvilupp hija kreditu suffiċjenti. Dan ifisser li l-leġislazzjoni tal-UE għandha ssib bilanċ bejn l-iżgurar ta' kundizzjonijiet qafas stretti għall-banek u l-promozzjoni ta' biżżejjed opportunitajiet għal attivitajiet bankarji operattivi, speċjalment biex jiġu faċilitati l-investimenti, li huma indispensabbli għal kull politika ta' tkabbir. M'hemmx għalfejn ngħidu li huwa kruċjali t-twaqqif ta' arranġamenti sodisfaċenti favur negozji li għadhom jibdew u l-SMEs (12).

4.2   Il-pilastru makroekonomiku u baġitarju

4.2.1

F'dan il-qasam, id-diskussjoni intensiva fil-Kunsill Ewropew dwar kuntratti vinkolanti għar-riforma ekonomika hija sinifikanti u diżappuntanti (13). Għalhekk, il-KESE jinsisti li l-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-proposta tagħha dwar arranġamenti kuntrattwali bħal dawn, minħabba li hemm bżonn aktar diskussjoni dwar il-forma, l-iffinanzjar u l-leġittimità demokratika tagħhom (14).

4.2.2

Is-sħubijiet ibbażati fuq sistema ta' arranġamenti maqbula b'mod reċiproku u l-mekkaniżmi ta' solidarjetà assoċjati jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu faċilitati u appoġġjati politiki ta' aġġustament sodi. Dawn l-arranġamenti jikkontribwixxu kemm għas-sjieda tal-Istati Membri fi ħdan qafas komuni, kif ukoll għal riformi fl-oqsma kollha relatati mat-tkabbir sostenibbli, il-kompetittività u l-impjieg – it-tlieta li huma ser isaħħu l-UE kollha kemm hi (15). Qafas ta' dan it-tip jista' jgħin biex jipprovdi rispons mill-UE għall-iskossi asimmetriċi skont il-pajjiż, li tkun forma ta' solidarjetà tal-UE.

4.2.3

Sħubijiet ta' dan it-tip jistgħu jippromovu l-koeżjoni u l-fiduċja fost il-popolazzjoni li hija kruċjali biex jingħeleb it-tħassib marbut mas-sovranità nazzjonali. Dan, min-naħa tiegħu, ser jikkontribwixxi għall-komunalità Ewropea li se tkun bażi indispensabbli għall-iżvilupp ta' strumenti tal-UE, bħal baġit għaż-żona tal-euro, fond ta' solidarjetà Ewropew u l-Eurobonds.

4.2.4

Il-konverġenza ta' sistemi ekonomiċi inklużi sistemi tat-taxxa (16), flimkien ma' strument ta' solidarjetà, tirrappreżenta fattur ewlieni biex bil-mod jingħelbu d-differenzi makro u mikroekonomiċi bejn il-pajjiżi. Fuq żmien medju, anke jekk dan ikun jitlob tibdil fit-trattati, dan l-istrument x'aktarx isir mekkaniżmu ta' kumpens ekonomiku biex l-ekonomiji tal-pajjiżi taż-żona tal-euro jerġgħu jiġu bbilanċjati u integrati. Eventwalment jista' jsir parti minn baġit komuni taż-żona tal-euro. Il-fondi strutturali u ta' koeżjoni jistgħu wkoll jintużaw f'din il-perspettiva.

4.2.5

Il-Kummissjoni l-ġdida, bħala attur ewlieni fil-proċess, għandha tieħu r-responsabbiltà li tagħmel proposti leġislattivi, f'konformità mal-metodu segwit mill-Kummissarju Barnier għar-regolazzjoni tas-sistema finanzjarja, f'oqsma fejn id-dibattitu s'issa kien iddominat mill-Istati Membri, biex b'hekk jitħeġġu diskussjonijiet produttivi fil-Kunsill abbażi ta' proposti konkreti.

4.2.6

S'issa l-Kummissjoni m'użatx dan il-metodu biżżejjed. Eżempji ta' każijiet fejn jista' jintuża jinkludu l-koordinazzjoni ex-ante ta' pjani għal riformi ewlenin tal-politika ekonomika, kuntratti għal riforma ekonomika akkumpanjati minn mekkaniżmu ta' solidarjetà, it-twaqqif ta' fond Ewropew ta' tifdija u l-Eurobills. Meta dawn it-tibdiliet ikunu jeħtieġu bidliet fit-Trattati, il-Kummissjoni għandha tagħmel dan ċar mal-membri taż-żona tal-euro.

4.2.7

Approċċ bħal dan se jġiegħel lill-Kunsill biex jieħu pożizzjoni dwar dawn il-proposti. Huwa ser jenfasizza t-trasparenza u ċ-ċarezza dwar il-pożizzjonijiet politiċi differenti, u ser ikun l-uniku metodu biex jingħeleb l-istaġnar intergovernattiv fl-arranġament attwali. Dan għandu wkoll jiġu kkomunikat b'mod adatt mill-Kummissjoni lill-partijiet interessati differenti, inkluż lill-pubbliku ġenerali.

4.2.8

Għaldaqstant, li hu meħtieġ fuq żmien medju (kif kien meħtieġ sa mit-Trattat ta' Maastricht) hija governanza ekonomika għaż-żona tal-euro rigward il-politiki mikro u makroekonomiċi, billi ngħaddu mill-metodu ta' koordinazzjoni attwali, li s'issa kiseb riżultati batuti, għal teħid tad-deċiżjonijiet konġunt dwar il-“prinċipji fundamentali” ta' dawk il-politiki. Iż-żona tal-euro ma taffordjax tkompli tuża l-istess munita filwaqt li tħaddan politiki ekonomiċi separati, li għalhekk hemm bżonn jiġu integrati sabiex, fost affarijiet oħra, jiġi faċilitat ix-xogħol tal-BĊE.

4.2.9

Mekkaniżmu ta' distribuzzjoni mill-ġdid li għandu jintuża f'każ ta' xokkijiet asimmetriċi: il-prinċipju tar-responsabbiltà (mhux biss tal-istati iżda anke ta' ċittadini) m'għandux ikun separat minn dak tas-solidarjetà. Għaldaqstant għandhom jittieħdu miżuri konkreti għal perjodu limitat għall-aktar gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni. Hija responsabbiltà li għandu kull ċittadin u kull pajjiż.

4.2.10

Fuq l-istess linji, għandna bżonn nimxu lejn baġit proprju suffiċjenti għaż-żona tal-euro, b'regoli maqbula b'mod konġunt; dan hu l-uniku mod biex jittieħdu passi lejn politika fiskali komuni u jiġu assorbiti kwalunkwe xokkijiet li jistgħu jseħħu fil-ġejjieni. Dan jista' jiġi ffinanzjat, pereżempju, permezz ta' taxxa mmirata, taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (bil-kundizzjoni li din tkun estiża għaż-żona tal-euro kollha), taxxa fuq il-karbonju, jew imposta temporanja fuq il-bilanċ tal-eċċess tal-pagamenti ogħla minn 6 % u, fl-aħħar, billi jinħarġu bonds konġunti.

4.2.11

Dejn sovran: għandu jinħoloq mekkaniżmu li, mingħajr ma jneħħi r-responsabbiltà tal-pajjiżi għad-dejn tagħhom, ineħħi dan minn idejn l-ispekulaturi. Id-dejn nazzjonali, gradwalment ikkonvertit sa mhux aktar minn 60 % (kif propost mill-KESE (17)) jew, għall-parti li tiżboq is-60 % (skont il-proposta għal Fond ta' Tifdija tad-Dejn imressqa mill-Kummissjoni (18)), jista' jinżamm f'kont tad-dejn ikkonsolidat u mantnut pro-rata mill-Istati Membri differenti. Minflok dan, jista' jitwaqqaf Fond Temporanju tal-Eurobill permezz ta' trattat intergovernattiv li jkun jippermetti il-ħruġ ta' strumenti ta' dejn fiż-żona tal-euro għal perjodu ta' żmien qasir, u b'hekk ineħħi r-riskju ta' kriżi ta' likwidità tal-gvern fiż-żona tal-euro. B'segwitu għall-konklużjonijiet tal-grupp ta' esperti tagħha, li twaqqaf bil-mandat speċifiku li janalizza l-merti u r-riskji tal-alternattivi differenti ta' ħruġ ta' dejn konġunt, il-Kummissjoni issa għandha tfassal proposta konkreta dwar liema strumenti għandhom jintużaw u f'liema perjodu ta' żmien.

4.3   Il-pilastru mikroekonomiku

4.3.1

Il-politiki mikroekonomiċi wkoll jeħtieġu ħafna attenzjoni, speċjalment il-politiki industrijali u settorjali, li huma vitali għat-tkabbir tal-ekonomija Ewropea, fejn l-approċċ frammentat m'għadux jaħdem. Għalhekk jeħtieġ li jingħaqdu flimkien xi politiki (u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet korrispondenti) li għandhom impatt indirett fuq il-baġits nazzjonali, sabiex naslu għal viżjoni komuni u azzjoni konġunta mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, b'mod partikolari rigward:

l-ikkompletar tas-Suq Uniku;

il-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli biex in-negozji jibqgħu fl-Ewropa jew jiġu fl-Ewropa, l-aktar billi titneħħa l-frammentazzjoni tas-suq;

politika industrijali komuni (19) li ssaħħaħ il-bażi għal prestazzjonijiet ekonomiċi sostenibbli li huma eżistenti u innovattivi madwar il-kontinent;

politika komuni tal-enerġija, li għadha nieqsa u li tinħtieġ ħafna għax hija ta' importanza kbira għal kundizzjonijiet ekonomiċi ugwali u stabbli fl-UE;

proġetti infrastrutturali komuni fuq skala kbira u politiki tat-trasport sabiex tittejjeb il-konnettività;

il-konverġenza tat-tassazzjoni korporattiva;

servizzi, inklużi s-servizzi għan-negozji;

is-suq tax-xogħol u l-mobbiltà tal-ħaddiema;

politika tar-riċerka.

4.4   Il-pilastru soċjali

4.4.1

Il-KESE jisħaq dwar miżuri konkreti dwar id-dimensjoni soċjali tal-UEM (20). Ir-rata tal-impjieg fost iż-żgħażagħ għadha f'livell baxx u perikoluż. Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni l-ġdida għandha terfa' r-responsabilità biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol:

billi tappoġġja l-ħolqien tal-impjiegi u n-negozji li għadhom qed jibdew;

billi tipproponi aġġustamenti għall-politiki tal-edukazzjoni fil-livelli kollha madwar l-Ewropa, kif ukoll politiki dwar il-kura tas-saħħa fejn adatt;

billi tintroduċi l-kundizzjonijiet adattati għall-mobbiltà tax-xogħol bejn il-fruntieri;

permezz ta' proposti ta' taxxa bil-għan li jiffaċilitaw il-ħolqien tal-impjiegi;

permezz ta' proposti bil-għan li jaqbżu għad-drittijiet tal-konsumaturi;

billi tiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi;

billi twettaq investimenti soċjali (21).

4.4.2

Fil-livelli kollha hemm bżonn djalogu soċjali adatt. Dan ifisser li jridu jingħelbu l-ostakli għal konsultazzjonijiet effettivi fl-Istati Membri u bejniethom. L-UE għandha tkun ta' għajnuna kbira biex jinġabru flimkien il-partijiet interessati minn pajjiżi differenti biex jiddiskutu prattiki li rnexxew u biex ifasslu pjani għat-titjib fil-kundizzjonijiet għall-ħolqien tal-impjiegi.

4.4.3

Jekk l-Unjoni Monetarja, u b'mod partikolari ż-żona tal-euro, trid tiġi kkompletata, ma tistax tinjora l-konsegwenzi soċjali tal-politiki ekonomiċi attwali billi tħallihom kompletament f'idejn pajjiżi individwali. Kemm il-miżuri ekonomiċi kif ukoll dawk soċjali għandhom iqisu mhux biss il-parametri tal-patt ta' stabbiltà, iżda firxa usa' ta' parametri makroekonomiċi (pereżempju r-rata tal-qgħad, ir-rata tat-tkabbir, il-bilanċ tal-pagamenti, ir-rata tal-impjieg, ir-rata tal-faqar, it-tqassim tad-dħul u l-ġid, eċċ.). Huwa impossibbli li tiġi żgurata l-istabbiltà tal-UEM mingħajr l-ebda mekkaniżmu soċjali għaż-żona tal-euro li jista' jindirizza l-konsegwenzi ta' riċessjonijiet ekonomiċi ħarxin u/jew żbilanċi. Xi wħud minn dawn jistgħu jeħtieġu tibdil fit-Trattati. Fuq żmien medju, jistgħu jinkludu:

il-ħolqien ta' sistema komuni ta' assigurazzjoni għall-qgħad, flimkien ma' sistemi nazzjonali, possibbilment marbutin mal-ħolqien ta' regoli komuni għas-suq tax-xogħol taż-żona tal-euro u mal-mobbiltà tax-xogħol;

il-provvediment ta' dħul minimu adegwat għal xi gruppi ta' persuni taħt il-linja tal-faqar u l-ħolqien ta' regoli komuni għall-għajnuna soċjali u l-assistenza.

4.4.4

Politiki oħra li jtejbu s-sens ta' sjieda tal-pubbliku u jiffaċilitaw il-moviment liberu tan-nies ukoll għandhom jingħaqdu flimkien għall-interess pubbliku. Dawn jinkludu:

rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki u diplomi;

il-kwalità u t-twassil ta' merkanzija u servizzi pubbliċi fiż-żona tal-euro biex tiġi żgurata l-kontinwità, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi, eċċ.

4.5   Il-pilastru politiku

4.5.1

Programm wiesa' bħal dan jista' jitwettaq biss permezz tal-leġittimità demokratika meħtieġa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Filwaqt li jirrikonoxxi bis-sħiħ il-progress konsiderevoli matul l-aħħar ftit snin, il-KESE huwa tal-fehma li qabża oħra 'l quddiem matul it-terminu li jmiss, tista' ssir biss billi tingħata attenzjoni speċjali għar-responsabbiltà, il-leġittimità, id-demokrazija, it-trasparenza u l-komunikazzjoni.

4.5.2

Id-dibattitu politiku madwar l-Ewropa dwar il-proċess ta' integrazzjoni qed isir dejjem aktar profond. Fil-livell tal-UE, il-partiti politiċi għandhom jiddefinixxu b'mod ċar l-alternattivi tagħhom, u dawn l-alternattivi għandhom iħaddnu l-fehmiet tad-diversi raggruppamenti politiċi tal-PE u jikkontribwixxu għaż-żieda fil-viżibbiltà tal-partiti politiċi Ewropej. Elezzjonijet Ewropej transnazzjonali li jkunu jinvolvu formazzjonijiet politiċi transkonfinali jservu biex isaħħu u jiffaċilitaw ħafna d-dibattitu Ewropew.

4.5.3

Is-sjieda konġunta u l-ħtieġa ta' appoġġ pubbliku jeħtieġu ħafna aktar impenn mill-parlamenti nazzjonali għad-dibattitu Ewropew. Il-proposti leġislattivi tal-UE u l-programmi nazzjonali ta' riforma għandhom jiġu diskussi kif dovut fil-parlamenti. Għandhom jiġu ppjanati konsultazzjonijiet interattivi dwar kwistjonijiet strateġiċi bejn il-PE u l-parlamenti nazzjonali, u b'hekk tiżdied ukoll id-dinamika bejn il-parlamenti nazzjonali.

4.5.4

Il-Kummissjoni għandha tapplika l-metodu Komunitarju b'mod effettiv kemm jista' jkun meta tippreżenta l-proposti leġislattivi u l-miżuri, anke f'każijiet ta' kompetenzi konġunti mal-Istati Membri. Bħal fil-passat, attitudni proattiva u kuraġġuża tħalli l-frott.

4.5.5

Fuq talba tal-parlamenti u/jew tas-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna fid-dibattiti nazzjonali dwar kwistjonijiet Ewropej.

4.5.6

Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsilli, notevolment il-Kunsill ECOFIN, huma ċentrali fit-teħid tad-deċiżjonijiet u essenzjali għar-responsabbiltà u l-leġittimità. Għaldaqstant, hemm bżonn ta' aktar trasparenza għax din twieġeb għar-rekwiżiti demokratiċi.

4.5.7

Il-Membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-interessi nazzjonali, minbarra li huma koleġislaturi fil-livell Ewropew, ta' spiss jitkellmu b'lingwi differenti f'pajjiżhom u fi Brussell, u dan normalment joħloq konfużjoni kbira u jfixkel il-ftehim. Id-diskors ambigwu mhuwiex aċċettabbli. L-Istati Membri għandhom jaqblu dwar messaġġi politiċi komuni fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

4.5.8

L-Istati Membri huma soġġetti għall-arkitettura tal-UEM, u fl-istess ħin jagħmlu wkoll parti minnha. Il-konverġenza lejn metodoloġija Ewropea, b'mod li jinżammu l-proċeduri u t-tradizzjonijiet amministrattivi nazzjonali hija possibbli, iżda dan ikun jeħtieġ aġġustamenti konsiderevoli f'għadd ta' pajjiżi. Prattiki politiċi u amministrattivi li jkunu affidabbli se jkunu indispensabbli għall-bini tal-fiduċja.

4.5.9

Il-KESE jenfasizza li s-soċjetà ċivili għandha taqdi wkoll ir-rwol tagħha, ta' spiss sottovalutat, fl-arkitettura futura tal-UE u f'żona tal-euro aktar integrata. Hemm ħafna oqsma fejn il-progress jiddependi parzjalment jew kompletament mill-atturi mhux governattivi. Is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta b'mod sħiħ. F'numru kbir wisq ta' pajjiżi, is-soċjetà ċivili għadha marġinalizzata, filwaqt li għandha tingħata l-istrumenti neċessarji biex tiddjaloga ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet. Is-soċjetà ċivili trid terfa' r-responsabbiltà tagħha u tieħu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE sabiex twessa' l-bażi demokratika tagħha. Mingħajr l-impenn attiv tagħha, l-UEM qatt mhu se tkun tista' issir realtà.

4.5.10

Għall-imsieħba soċjali b'mod partikolari jkun pjuttost utli li jiġu studjati r-riżultati ta' mudell kunsenswali fl-Istati Membri, li l-KESE jappoġġja bil-qawwi. Għandu jiġi rrakkomandat l-iskambju ta’ prattiki.

4.5.11

Il-KESE jemmen li sar ovvju li r-regoli attwali mhumiex adegwati u ma ħadmux kif mistenni, u li l-azzjoni intergovernattiva mhijiex lesta biex tilqa' l-isfidi li qed tiffaċċja l-UEM. Lanqas m'għandna nimlew rasna li hekk kif tonqos il-kriżi, il-mekkaniżmi ta' stabbilizzazzjoni li twaqqfu ta' malajr hekk kif bdiet il-maltempata ser ikunu biżżejjed biex nimxu 'l quddiem u jiġu evitati kriżijiet ġodda.

4.5.12

L-uniku mod kif jiġi evitat li jerġgħu jseħħu sitwazzjonijiet bħal dawn huwa li jinbidlu r-regoli u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jiggvernaw iż-żona tal-euro sabiex din issir aktar trasparenti u demokratika:

xi ħadd jinħatar bħala responsabbli għall-euro biex jitkellem b'vuċi waħda, billi jiġi istituzzjonalizzat il-grupp tal-euro. Biex il-gvernanza tal-euro tittejjeb, il-grupp tal-euro għandu jkun jista' jieħu deċiżjonijiet malajr u jintervjeni f'każ ta' kriżi. Dan jagħmel il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet aktar demokratiku u trasparenti, billi nibdew bit-tneħħija tad-dritt tal-veto;

billi jkun hemm mekkaniżmu ta' ridistribuzzjoni u/jew baġit ġenwin għaż-żona tal-euro, kif issuġġerit fil-punti 4.2.9 u 4.2.10 permezz ta' proċess pass pass li jiżgura l-provvediment ta' beni pubbliċi, distribuzzjoni aktar ġusta ta' riżorsi għall-appoġġ tal-proċessi ta' riforma, it-tnaqqis tad-differenzi bejn il-pajjiżi, bil-possibbiltà ta' politika komuni għat-tassazzjoni, eċċ.;

permezz ta' preżenza unika fl-organizzazzjonijiet internazzjonali;

l-azzjonijiet ta' din l-awtorità li tiggverna għandhom ikunu appoġġjati minn membri tal-PE miż-żona tal-euro li jivvutaw ukoll dwarhom (Euro-parliament). Membri oħra jistgħu jattendu wkoll iżda mingħajr id-dritt tal-vot.

5.   Fuq perjodu ta' żmien twil: tnedija ta' Ewropa ta' politika b'mod globali

5.1

Minbarra l-ikkompletar tal-UEM kif imsemmi hawn fuq, ikun ta' għajnuna wkoll li matul il-leġislatura li jmiss jinbeda proċess ta' riflessjoni serju dwar l-approfondiment tal-UE kollha kemm hi u dwar il-mod kif jaħdmu l-korpi istituzzjonali tagħha kif ukoll l-għażla ta' politiki li għandhom jinqasmu. Fil-fehma tal-KESE, ir-riflessjoni għandha tikkonċerna l-aspetti deskritti hawn taħt.

5.2

L-attività tal-Kummissjoni tkun soġġetta għall-approvazzjoni tal-PE, li jista' jkollu wkoll id-dritt tal-inizjattiva. Il-PE jista' jiġi elett fuq il-bażi ta' listi Ewropej magħmulin minn partiti Ewropej.

5.3

Sabiex jiġu promossi l-viżibbiltà, il-leġittimità demokratika u d-diviżjoni tas-setgħat, għandha titneħħa d-dijarkija tal-president tal-Kunsill Ewropew u tal-president tal-Kummissjoni, li għandhom jiġu eletti mill-PE jew direttament mill-poplu, sakemm ir-rwol tiegħu jinbidel ukoll. Il-Kunsill attwali għandu jsir is-“Senat tal-Istati” b'regoli ta' proċedura ġodda.

5.4

Rigward il-politiki li għandhom jitmexxew mill-UE kompletament jew parzjalment, u li dwarhom għandu jkollha s-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet, dawn jistgħu jinkludu l-politika barranija u r-rwol internazzjonali tal-Unjoni, inkluża preżenza unika fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-politika tad-difiża – għal dawk li jaqblu magħha – , il-politika tal-enerġija, il-politika tar-riċerka, il-politika tal-immigrazzjoni u l-ażil, u l-konformità mal-istandards u d-drittijiet, bis-setgħa li tittieħed azzjoni meta l-istati ma jobdux dawn, kif inhu diġà l-każ għal kwistjonijiet ekonomiċi u r-regoli baġitarji.

5.5

L-istruttura istituzzjonali l-ġdida, li ma tistax tinkiseb permezz ta' kooperazzjoni mtejba biss, u r-rwol tal-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-KESE u l-KtR, jistgħu jiġu determinati minn Konvenzjoni ġdida, li għandha tispiċċa xogħolha qabel l-2019, meta għandhom isiru l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss wara dawk tal-2014.

6.   Komunikazzjoni u semplifikazzjoni

6.1

Fil-proċess tal-kisba mill-ġdid tal-fiduċja, hija indispensabbli komunikazzjoni tajba. Il-KESE jinsab konvint li l-aħjar komunikazzjoni hija żgurata b'politiki u prattiki tajbin li jippreżentaw perspettiva fit-tul għas-soċjetà Ewropea kollha.

6.2

Hemm bżonn li l-komunikazzjoni mal-pubbliku titrawwem u tittejjeb. Il-komunikazzjoni tnibbet l-interess, li jġib miegħu l-fehim. Din it-tagħlima ma ttiħditx biżżejjed inkunsiderazzjoni, u l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma responsabbli għal dan in-nuqqas. Għandu jintuża l-ispettru kollu tal-midja soċjali.

6.3

L-UEM u oqsma relatati ta' sikwit ġew ippreżentati bħala kwistjoni teknika. Dawn mhuwiex minnu, għax huma fundamentalment politiċi u jinfluwenzaw ħafna l-ħajja ta' kull ċittadin. Madankollu, huwa rari li tiġi diskussa, aħseb u ara kkomunikata f'din il-perspettiva, u dan jispjega wkoll id-distakk enormi bejn l-UE u ċ-ċittadini ordinarji.

6.4

It-tradizzjonijiet u s-sitwazzjonijiet differenti kuljum juru n-nuqqas ta' “lingwa komuni tal-UEM” u kultant dan joħloq konfużjoni u ħsara għall-appoġġ pubbliku. Fil-fehma tal-KESE, il-Kummissjoni hija l-unika awtorità li tista' tippreżenta soluzzjoni minħabba d-dritt tagħha ta' inizjattiva fil-proċess leġislattiv tal-UE. Dan għandu jitqies mill-perspettiva ta' Kummissjoni u PE li huma aktar politiċi minn qabel.

6.5

Kif atturi koresponsabbli, is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandhom jaqdu r-rwol proprju tagħhom fil-komunikazzjoni, li s'issa ta' spiss mhix żviluppata biżżejjed. Is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandhom iwasslu t-tħassib taċ-ċittadini u l-intrapriżi lill-awtoritajiet u għandhom jikkooperaw biex dawn jiġu indirizzati. L-iskambju ta' fehmiet għandu jmur fiż-żewġ direzzjonijiet.

6.6

L-Ewropa m'għandhiex tibqa' tagħti l-impressjoni li hija torri tal-avorju, kif taħseb il-biċċa l-kbira tal-opinjoni pubblika. Il-merti ta' integrazzjoni Ewropea, il-passi ta' żvilupp konkreti u l-benefiċċji li jirriżultaw direttament għall-investimenti, l-impjiegi, u l-konsumaturi għandhom jiġu spjegati b'mod ċar liċ-ċittadin. L-hekk imsejħa narrattiva ġdida għall-Ewropa għandha tibda bi strateġija tal-komunikazzjoni u s-semplifikazzjoni konġunta bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li huma atturi ewlenin maġenb il-partiti politiċi u s-soċjetà ċivili.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ECO/336 dwar “Ir-Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro”, relatur: is-Sur Delapina, punt 1.6 (ĠU C 133 tad-9 ta' Mejju 2013).

(2)  Ara Dr. Wolfgang Schäuble, partikolarment id-diskors tiegħu f'Paulskirche, 3 ta' Ottubru 2011, u d-diskors ta' Karlspreis, Mejju 2012, kif ukoll id-diskors ta' Giorgio Napolitano fil-Parlament Ewropew, 3 ta' Frar 2014.

(3)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ECO/340 dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew”, relatur: is-Sur Cedrone (ĠU C 271 tad-19 ta' Settembru 2013).

(4)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE ECO/307 dwar “It-tkabbir u d-dejn sovran fl-UE: żewġ approċċi innovattivi” (ĠU C 143 tat-22 ta' Mejju 2012), ECO/334 dwar “Wara 10 snin x’direzzjoni għall-euro? Il- futur ekonomiku u politiku tal-UE u t-trattat il-ġdid” (ĠU C 271 tad-19 ta' Settembru 2013) u ECO/340 dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew” (ĠU C 271 tad-19 ta' Settembru 2013), relatur, is-Sur Cedrone.

(5)  Ara l-Opinjoni tal-KESE SOC/496 dwar “L-impatt tal-investimenti soċjali”, relatur: is-Sur Greif (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

(6)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ECO/336, dwar “Ir-Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro”, relatur, is-Sur Delapina (ĠU C 133 tad-9 ta' Mejju 2013).

(7)  Ara l-Opinjoni tal-KESE EUR/006 dwar “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014”, relatur: is-Sinjura Pichenot (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

(8)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ECO/339 dwar “Pjan Direzzjonali lejn Unjoni Bankarja”, relatur: is-Sur Trias Pintó (ĠU C 11 tal-15 ta' Jannar 2013).

(9)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 19-20 ta' Diċembru 2013.

(10)  Ara l-ftehim dwar il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni li ntlaħaq bejn il-Kunsill u l-PE fl-20 ta' Marzu 2014.

(11)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE ECO/333 dwar “Irkupru u riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu”, relatur: is-Sinjura Roussenova (ĠU C 44 tal-15 ta' Frar 2013) u ECO/350 dwar “Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni”, relatur: is-Sur Mareels (ĠU C 67 tas-6 ta' Marzu 2014).

(12)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE ECO/347 dwar “Green Paper dwar il-Finanzjament fuq Terminu Twil tal-Ekonomija Ewropea”, relatur: is-Sur Smyth (ĠU C 327 tat-12 ta' Novembru 2013) u ECO/365 dwar “Il-finanzjament fuq terminu twil – segwitu”, relatur: is-Sur Smyth, korelatur: is-Sur Farrugia (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

(13)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 19-20 ta' Diċembru 2013.

(14)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ECO/348 dwar “Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività/Riformi maġġuri ta' politika ekonomika”, relatur: is-Sur Croughan (ĠU C 271 tad-19 ta' Settembru 2013).

(15)  Ara wkoll id-diskors tal-President tal-Eurogroup is-Sur Dijsselbloem, fl-istess spirtu: 17 ta' Frar 2014 fis-seminar tal-OECD fi Brussell “The Euro Area at the crossroads”.

(16)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ECO/336 dwar “Ir-Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro”, relatur: is-Sur Delapina (ĠU C 133 tad-9 ta' Mejju 2013). Għandhom jitqiesu wkoll progressivament aspetti rilevanti oħra dwar it-taxxa.

(17)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ECO/307 dwar “It-tkabbir u d-dejn sovran fl-UE: żewġ approċċi innovattivi”, relatur, is-Sur Cedrone (ĠU C 143 tat-22 ta' Mejju 2012).

(18)  Ara COM(2012) 777 final/2.

(19)  Ara l-Opinjoni tal-KESE CCMI/108 dwar “Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku – Aġġornament dwar il-Komunikazzjoni tal-Politika Industrijali”, relatur: is-Sur van Iersel, korelatur: is-Sur Gibellieri, (ĠU C 327 tat-12 ta' Novembru 2013).

(20)  Ara l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE SOC/494, dwar “It-Tisħiħ tad-Dimensjoni Soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja”, relatur ġenerali, is-Sur Dassis (ĠU C 67, 6 ta' Marzu 2014).

(21)  Dan jinkludi wkoll il-ħruġ tal-persuni mill-faqar. F'dan ir-rigward, ara l-Opinjoni tal-KESE SOC/496 dwar “L-impatt tal-investimenti soċjali”, relatur: is-Sur Greif (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-fondi għan-negozju: investigazzjoni dwar mekkaniżmi ta' provvista alternattivi”

(opinioni fuq inizjattiva proprja)

(2014/C 451/03)

Relatur:

is-Sur SMYTH

Nhar it-22 ta' Jannar 2014, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-fondi għan-negozju: investigazzjoni dwar mekkaniżmi ta' provvista alternattivi

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta' Lulju 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'141 vot favur u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Wara iktar minn sitt snin ta' taqlib finanzjarju u ekonomiku, il-kanali normali ta' fondi għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, għadhom parzjalment imblokkati. Il-banek, is-sors tradizzjonali tal-biċċa l-kbira tal-fondi għall-SMEs, huma inqas inklinati li jsellfu minħabba għadd ta' fatturi bħat-tnaqqis fl-ingranaġġ, ir-rekwiżit għall-proporzjon ogħla ta' kapital, miżuri ta' dejn mitluf u l-averżjoni għar-riskju. Din il-frammentazzjoni tas-swieq finanzjarji u l-kanali tas-self ilha waħda mill-iktar karatteristiċi persistenti tal-kriżi finanzjarja fl-Ewropa.

1.2

It-tnaqqis tas-self għal-likwidità operatorja (working capital) lill-SMEs huwa tip ta' falliment kroniku tas-suq li jitlob reazzjoni adatta mill-persuni li jfasslu l-politika fl-UE. Sal-lum din ir-reazzjoni ma kinitx proporzjonali għall-problema.

1.3

L-inizjattiva LTRO (1) (longer-term refinancing operation – operazzjoni ta' rifinanzjament fuq żmien itwal) tal-BĊE rnexxielha tevita l-kollass tas-sistema bankarja iżda l-biċċa l-kbira tal-fondi tagħha ma daħlux fl-ekonomija reali. Minflok intużat biex tikkonsolida l-karti tal-bilanċ tal-banek u tirrappreżenta opportunità mitlufa għax il-kumpaniji għadhom fi bżonn kbir ta' likwidità operatorja.

1.4

Il-BEI, li kien attiv ħafna fl-appoġġ tal-SMEs fl-Ewropa kollha ġie rikapitalizzat sostanzjalment u tejjeb is-self tiegħu lill-SMEs. L-appoġġ għall-SMEs jirrappreżenta l-ikbar prijorità ta' politika tal-Grupp tal-BEI, u jirrappreżenta iktar minn 20 % tal-volum ta' self annwali tal-BEI u 100 % tal-attivitajiet tal-FEI. Għad li l-BEI huwa provveditur sinifikanti ta' finanzjament għall-iżvilupp għall-SMEs, il-parti tiegħu tal-volum globali tas-self lill-intrapriżi għadha żgħira.

1.5

Il-KESE appoġġja l-Green Paper tas-sena l-oħra dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija (2) u dan ġie segwit minn pakkett ta' miżuri (3) pubblikat dan l-aħħar għall-promozzjoni tal-finanzjament fit-tul b'mod ġenerali u biex il-fondi jiġu mmirati lejn l-SMEs b'mod partikolari. Il-pakkett iħaddan miżuri biex jiġi xprunat l-użu tat-titolizzazzjoni tas-self lill-SMEs. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll regoli ġodda biex il-fondi tal-pensjonijiet jiġu mħeġġa jinvestu fl-assi finanzjarji u b'hekk jappoġġjaw il-finanzjament tat-tkabbir iktar fit-tul fl-ekonomija reali (4). Hemm ukoll proposti biex jinħoloq suq sekondarju likwidu u trasparenti għal titoli korporattivi u ta' tip ieħor. Il-KESE jilqa' dawn il-proposti u jemmen li, eventwalment, jistgħu jikkontribwixxu għal suq riformat u iktar effiċjenti għall-finanzjament tal-SMEs.

1.6

Bħalissa qed jitħejjew bosta inizjattivi oħra biex jitneħħew l-ostakli għal valutazzjoni iktar preċiża tal-affidabbiltà tal-kreditu u r-riskju mis-selliefa. Dawn jinkludu użu ikbar ta' repożitorji diġitali b'kontributi standard għar-reġistri kummerċjali, l-uffiċċji tal-istatistika, il-valutazzjonijiet tal-kreditu bankarju u selliefa oħra u eventwalment it-twaqqif ta' reġistru ċentrali Ewropew tal-kreditu. Informazzjoni aħjar u iktar aġġornata dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-SMEs għandha twassal għal valutazzjoni aħjar tar-riskju mis-selliefa u l-ipprezzar iktar adatt tar-riskju.

1.7

Bħalissa qed jitħejjew jew jiġu kkunsidrati proposti biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs. Il-KESE jappoġġja din ir-reazzjoni iktar proattiva mill-persuni li jfasslu l-politika iżda dawn il-miżuri ser jieħdu ż-żmien biex jiġu implimentati. Xi jrid isir issa u fil-perjodu l-qasir biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament tal-SME – din hija l-isfida.

1.8

Soluzzjoni ta' approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” tista' ma tkunx adatta għall-Istati Membri kollha. Xi Stati Membri żviluppaw approċċi li huma adatti għall-istrutturi u r-regolamenti finanzjarji nazzjonali tagħhom. Waħda mill-iktar inizjattivi interessanti hija l-Iskema tal-Fond għas-Self (Funding for Lending Scheme) fir-Renju Unit (5). Din kellha suċċess enormi f'li tixpruna s-self ipotekarju u s-self lill-familji fir-Renju Unit tul l-aħħar sentejn u issa hija mmirata biss lejn l-ixprunar tas-self lill-SMEs. L-iskema tagħti inċentivi lill-banek parteċipanti biex iżidu s-self nett lill-SMEs billi jnaqqsu l-ispiża tal-finanzjament. Dawk li jappoġġjaw l-iskema jressqu l-argument li s-self lill-SMEs kien ikun iktar dgħajjef li kieku ma kienx hemm l-iskema.

1.9

Il-KESE jqis l-Iskema tal-Fond għas-Self bħala eżempju ta' prattika tajba u jirrakkomanda li l-BĊE iqis bis-serjetà li jintroduċi inizjattiva simili fiż-żona tal-euro. Fil-5 ta' Ġunju 2014, il-BĊE ħabbar sensiela ta' miżuri ta' likwidità biex isaħħaħ is-self tal-banek lill-SMEs (6). Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-proposta ewlenija tal-BĊE, imsejħa operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirat fit-tul (Targeted Longer-Term Refinancing Operations – TLTRO), hija simili għall-Iskema tal-Fond għas-Self kif enfasizzat f'din l-Opinjoni. Ta' min jinnota wkoll li l-ħidma tal-KESE f'din l-Opinjoni ppreċediet il-ħsieb li dejjem jevolvi ta' dawk li jfasslu l-politiki.

2.   Il-kriżi tas-self lill-intrapriżi fl-Ewropa

2.1

Id-dibattitu dwar is-self lill-intrapriżi u l-finanzjament tagħhom kellu tendenza jiffoka fuq il-provvista u d-domanda għall-kapital għall-iżvilupp jew l-investiment, speċjalment għall-SMEs. Is-selliefa għandhom tendenza josservaw li hemm skarsezza ta' proġetti ġodda u b'hekk inqas domanda għall-finanzjament għall-iżvilupp. Ir-rappreżentanti tal-SMEs u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja ħafna drabi jilmentaw kemm dwar il-provvista tal-finanzjament għall-iżvilupp kif ukoll dwar l-ispiża ta' tali kreditu, u jistqarru li l-banek qed iżommu prezz għoli żżejjed għall-finanzjament riskjuż. Iż-żewġ fehmiet jistgħu jkunu minnhom. Hekk jew b'hekk, il-volum ta' self lill-intrapriżi, kemm żgħar kif ukoll kbar, l-iktar l-iktar kien statiku u fl-agħar każ naqas b'mod drastiku fl-Istati Membri tal-UE.

2.2

Għall-finijiet ta' din l-Opinjoni tal-KESE l-enfasi mhux qed issir fuq il-kapital għall-iżvilupp, il-finanzjament ta' intrapriżi ġodda jew start-ups jew innovazzjonijiet. Minflok, l-Opinjoni tittratta l-kwistjoni tal-aċċess għal-likwidità operatorja – faċilitajiet ta' self kurrenti u faċilitajiet ta' self permanenti li huma kruċjali għall-biċċa l-kbira tal-intrapriżi. It-tendenzi tas-self għal-likwidità operatorja diffiċli li jiġu identifikati b'mod preċiż minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni, iżda t-tendenza ġenerali tidher fid-data tal-BĊE dwar is-self lil intrapriżi mhux finanzjarji. Din id-data ilha tonqos għall-aħħar erba' jew ħames snin u kien biss fl-aħħar xhur li ħarġu xi indikazzjonijiet li qed tirkupra.

2.3

Waħda mill-iktar dimensjonijiet dejjiema tal-kriżi finanzjarja u dik ekonomika tal-aħħar sitt snin hija d-deterjorament fil-finanzjament għall-intrapriżi. Hekk kif il-banek Ewropew batew biex inaqqsu l-esponiment tagħhom għas-self problematiku u d-dejn mingħajr valur, il-provvista normali ta' likwidità operatorja għall-intrapriżi, b'mod partikolari l-intrapriżi iżgħar u l-mikrointrapriżi, naqset kemm f'termini nominali kif ukoll reali. Dan it-tnaqqis fis-self jista' jiġi deskritt bħala tip ta' falliment kroniku tas-suq. Barra minn hekk, il-frammentazzjoni tas-swieq finanzjarji Ewropej wasslet għal struttura f'żewġ livelli ta' rati ta' self. Intrapriżi żgħar fl-Italja u Spanja, pereżempju, qed jiffaċċjaw rati ta' interess ħafna ogħla minn intrapriżi simili fil-Ġermanja u r-Renju Unit. S'issa r-reazzjoni mill-persuni li jfasslu l-politika fl-UE ma kinitx proporzjonali għall-problema u hemm xi evidenza li l-effetti tar-regolazzjoni msaħħa internazzjonali u tal-UE għall-banek setgħu tefgħu l-problema tas-self lill-intrapriżi għall-agħar billi wasslu biex il-banek jibżgħu iktar mir-riskju.

3.   Ir-reazzjoni tal-persuni li jfasslu l-politika

3.1

Il-persuni li jfasslu l-politika fl-UE batew biex jindirizzaw ir-riperkussjonijiet tal-kriżi finanzjarja u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali. Il-fraġilità tas-sistema bankarja tal-UE saret restrizzjoni kbira fuq l-irkupru ekonomiku. Sabiex tittaffa din il-fraġilità, fl-2012/13 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) nieda inizjattiva mingħajr preċedent biex jagħti lill-banek tal-UE aċċess għal iktar minn EUR 1 triljun ta' fondi bi spejjeż relattivament baxxi. Din l-inizjattiva ssemmiet l-operazzjoni ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (LTRO – longer-term refinancing operation) u kienet reazzjoni għat-theddida ta' friża bankarja jew kollass bankarju hekk kif il-banek batew biex isewwu l-karti tal-bilanċ tagħhom u jiksbu konformità bi proporzjoni kapitali regolatorji iktar stretti. L-inizjattiva LTRO rnexxielha tevita l-kollass iżda l-biċċa l-kbira ta' dawn il-fondi ma waslux fl-ekonomija reali. Minflok, intużaw biex jiġu kkonsolidati l-karti tal-bilanċ tal-banek. F'sens wieħed dan ir-riżultat kien previdibbli u loġiku. Il-prijorità għall-biċċa l-kbira tal-banek Ewropej kienet u għadha s-sopravivenza. F'sens ieħor, dan ir-riżultat jirrappreżenta opportunità mitlufa għax l-intrapriżi għadhom fi bżonn kbir ta' likwidità operatorja.

3.2

F'Marzu 2013, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) ġie rikapitalizzat b'mod sostanzjali. Il-kapital imħallas żdied b'EUR 10 biljun ta' likwidità mill-azzjonisti. Il-BEI jistenna li jkun jista' jespandi s-self diġà sostanzjali tiegħu lill-SMEs b'sa EUR 40 biljun tul it-tlieta jew l-erba' snin li ġejjin. Ir-rikapitalizzazzjoni għenet lill-BEI biex isaħħaħ is-self tiegħu lill-SMEs. L-appoġġ għall-SMEs jirrappreżenta l-ikbar prijorità ta' politika tal-Grupp tal-BEI, u jirrappreżenta iktar minn 20 % tal-volum ta' self annwali tal-BEI u 100 % tal-attivitajiet tal-FEI. Madankollu, is-self tal-BEI lill-SMEs għandu tendenza li jintuża l-iktar għall-kapital għall-iżvilupp, l-innovazzjoni u proġetti ġodda. Mid-dehra l-BEI qed jikkunsidra s-self għal-likwidità operatorja u jkun interessanti li jiġu nnotati r-riżultati ta' dawn id-deliberazzjonijiet. Għad li l-BEI huwa provveditur sinifikanti ta' finanzjament għall-iżvilupp għall-SMEs, il-parti tiegħu tal-volum globali tas-self lill-intrapriżi fiż-żona tal-euro għadha żgħira.

3.3

Fir-Renju Unit u l-Istati Uniti, l-awtoritajiet monetarji kellhom iduru għal xi miżuri mhux konvenzjonali bħat-tnaqqis kwantitattiv (quantitative easing) sabiex jipprovdu likwidità lis-sistema bankarja. Din il-politika tinvolvi x-xiri ta' ammonti kbar ta' bonds sovrani u korporattivi mill-banek ċentrali u l-ħolqien ta' flus ġodda fis-sistema bankarja. Hija għenet biex jiġi evitat l-iffriżar tas-swieq finanzjarji u l-mekkaniżmu tat-trasmissjoni monetarju kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fir-Renju Unit. Hemm xi evidenza li fl-Istati Uniti l-programm tat-tnaqqis kwantitattiv għen biex jiġi estiż il-kreditu u l-finanzjament fl-ekonomija reali. L-awtoritajiet monetarji issa qed jaħsbu li jispiċċawh gradwalment hekk kif l-irkupru ekonomiku qed jingrana. Fir-Renju Unit, il-gwida għall-futur (forward guidance) tal-Bank tal-Ingilterra tissuġġerixxi li ladarba l-irkupru ekonomiku jkun qabad it-triq sew, il-politika tat-tnaqqis kwantitattiv tintemm ukoll.

3.4

F'Marzu 2013, il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija (7) u din ġiet segwita minn pakkett ta' miżuri għall-promozzjoni tal-finanzjament fit-tul b'mod ġenerali u biex il-fondi jiġu mmirati lejn l-SMEs b'mod partikolari (8). Fil-qalba ta' dan il-pakkett insibu miżuri biex jissaħħaħ l-użu ta' titoli abbażi ta' assi (ABS) tas-self lill-SMEs. Użu iktar mifurx tal-ABS iħalli lill-banek u istituzzjonjiet oħra finanzjarji jsellfu volumi ikbar lill-intrapriżi. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll regoli ġodda biex il-fondi tal-pensjonijiet jiġu mħeġġa jinvestu fl-assi finanzjarji u b'hekk jappoġġjaw il-finanzjament għat-tkabbir iktar fit-tul fl-ekonomija reali (9). Hemm ukoll proposti biex jinħoloq suq sekondarju likwidu u trasparenti għat-titoli korporattivi u biex il-bonds koperti u l-allokazzjonijiet privati jsiru iktar attraenti. Hemm komunikazzjoni dwar il-finanzjament kollettiv (10), li l-għan tagħha hu li tippromovi l-aħjar prattiki, li timmonitorja l-iżvilupp tas-swieq tal-finanzjament kollettiv (crowdfunding) u tiffaċilita l-emerġenza ta' tikketta ta' kwalità għall-finanzjament kollettiv.

3.5

Hemm bosta inizjattivi oħra li huma rilevanti hawnhekk. Ostakli oħra għal analiżi iktar preċiża tal-affidabbiltà tal-kreditu u r-riskju mis-selliefa s-soltu jiċċentraw fuq l-ispejjeż u n-nuqqas ta' informazzjoni finanzjarja rilevanti. L-Istitut għall-Finanzi Internazzjonali (Institute for International Finance – IIF) jipproponi sensiela ta' miżuri biex jitnaqqsu dawn l-ostakli. Dawn jinkludu użu ikbar ta' repożitorji diġitali b'sottomissjonijiet standardizzati għar-reġistri tal-intrapriżi, l-uffiċċji tal-istatistika, l-analiżijiet ta' kreditu bankarju u selliefa oħra. Dawn ir-repożitorji nazzjonali ta' data tar-riskju tal-kreditu għandhom jiġu kkonsolidati mal-European Data Warehouse, li eventwalment jwasslu għal reġistru ċentrali Ewropew tal-kreditu. L-IIF jappella biex jiġu stabbiliti standards pan-Ewropej għall-ġbir tal-informazzjoni u r-rappurtar dwarha biex ikunu jistgħu jsiru analiżijiet fil-livell tal-kumpaniji u dak nazzjonali b'mod orizzontali. Informazzjoni aħjar u iktar aġġornata dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-SMEs għandha twassal għal valutazzjoni aħjar tar-riskju mis-selliefa u pprezzar iktar adatt tar-riskju.

3.6

Fost proposti oħra biex jittejjeb il-fluss tal-finanzjament tal-SMEs insibu:

miżuri biex istituzzjonijiet mutwalistiċi, kooperattivi u kollettivi jkunu jistgħu jsellfu lill-SMEs billi jappoġġjawhom direttament mill-fondi pubbliċi;

bidla mit-tendenza fiskali (fiscal bias) lejn id-dejn billi l-finanzjament tal-ekwità jkun jista' jitnaqqas mit-taxxa;

li l-Aġenziji għall-Iżvilupp Reġjonali jingħataw rwol formali fil-valutazzjonijiet tar-riskju filwaqt li jsir l-aġġustament adatt għall-aħjar preġudizzju possibbli;

li titħeġġeġ dipendenza ikbar fuq l-assigurazzjoni tal-kreditu fejn tkun kosteffettiva, sabiex jiġu assigurati portafolji ta' self skopert lill-SMEs li l-banek imbagħad jistgħu jbiegħu lil investituri li mhumiex banek;

li jingħataw inċentivi lill-investituri ta' ekwità privata u ta' kapital ta' riskju biex jespandu l-investiment fl-SMEs u jindirizzaw distakki fil-finanzjament;

li jintużaw l-inċentivi biex titwessa' l-bażi ta' investituri fl-SMEs u l-finanzjament tal-SMEs;

li l-SMEs jiġu edukati dwar l-għażliet alternattivi ta' finanzjament u l-benefiċċji relattivi ta' mekkaniżmi alternattivi ta' finanzjament;

li jittejbu l-iskemi tal-garazija tal-kreditu u t-taqsim tal-għarfien u l-aħjar prattiki biex jittejbu l-iskemi nazzjonali ta' garanzija eżistenti;

li jsir użu ikbar tal-finanzjament kummerċjali, is-self bejn l-intrapriżi u l-istrumenti ta' fatturament u kiri.

Qed isir progress lejn l-implimentazzjoni ta' ħafna mill-proposti mfissra hawn fuq, iżda tibqa' l-isfida dwar x'jista' jsir issa u fil-perjodu l-qasir biex jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament.

4.   Kanal alternattiv għall-finanzjament tal-intrapriżi

4.1

Il-kompitu tat-tfassil ta' skema biex jitħeġġeġ aċċess ikbar għall-finanzjament fl-Unjoni kollha kemm hi mhuwiex wieħed sempliċi. Xi Stati Membri żviluppaw soluzzjonijiet li huma adatti għall-istrutturi u r-regolamenti nazzjonali finanzjarji. Approċċ ta' “daqs wieħed għal kulħadd” jista' ma jkunx adatt fl-Istati Membri kollha. Waħda mill-iktar inizjattivi interessanti hija l-Iskema tal-Fond għas-Self (Funding for Lending Scheme – FLS) fir-Renju Unit u ta' min tingħata ħarsa iktar mill-qrib.

4.2

It-Teżor tar-Renju Unit u l-Bank tal-Ingilterra introduċew l-FLS f'Lulju 2012 bħala tentattiv biex jissaħħaħ is-self lill-ekonomija reali (11). It-Teżor, bħala azzjonist tal-Bank tal-Ingilterra għandu s-setgħa li jimmonitorja t-tħaddim tal-FLS. L-FLS toffri lill-banek parteċipanti sors irħis ta' finanzjament u dawn l-ispejjeż ta' finanzjament iktar baxxi għandhom jippermettu lill-banek biex iżidu d-disponibbiltà tal-kreditu billi jnaqqsu r-rati tal-interess li jżommu. L-iskema toffri inċentivi lill-banek biex iżidu s-self tagħhom u biex ikunu jistgħu jiġbdu fondi addizzjonali mill-iskema. Minn meta twaqqfet l-FLS hija kkontribwiet għal tnaqqis sostanzjali fl-ispejjeż ta' finanzjament mill-banek u dan wassal għal kundizzjonijiet ta' kreditu mtejba. Nistgħu ngħidu li ħafna mis-suċċess li kisbet s'issa l-FLS kien fit-tħeġġiġ tas-self lill-familji u s-self ipotekarju b'mod partikolari. Fit-tħeġġiġ tas-self lill-intrapriżi kellha inqas suċċess u b'hekk, f'Novembru 2013, l-awtoritajiet aġġustaw l-FLS biex tiffoka biss fuq it-tħeġġiġ tas-self lill-SMEs.

4.3

L-FLS hija skema mfassla biex jingħata inċentiv kummerċjali lill-banek parteċipanti biex iżidu s-self nett tagħhom (jiġifieri s-self gross bil-ħlasijiet lura mnaqqsa). L-iskema toffri finanzjament imraħħas lill-banek kollha, anke lil dawk il-banek li qed inaqqsu l-ingranaġġ. L-iskema m'għandha l-ebda limitu fir-rigward tal-ammont ta' finanzjament li l-banek jistgħu jaċċessaw. Bħala eżempju: jekk bank parteċipant ikollu ammont ta' self lill-intrapriżi ta' EUR 100 biljun fil-bidu tal-iskema, jista' jiġbed mill-inqas EUR 5 biljun f'finanzjament. Jekk l-istess bank imbagħad iżid is-self nett tiegħu lill-SMEs b'EUR 1 biljun ieħor, ikun intitolat li jiġbed EUR 5 biljun iktar mill-FLS. Dan il-proporzjon ta' ħamsa għal kull wieħed ta' ġbid ta' self nett ġdid lill-SMEs, flimkien ma' spiża iktar baxxa tal-finanzjament, jipprovdu inċentivi qawwijin biex il-banek jespandu s-self (12).

4.4

Il-Bank tal-Ingilterra qed jimmonitorja l-FLS riveduta. Il-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet finanzjarji tar-Renju Unit qed jieħdu sehem fl-FLS. L-iskema riveduta hija mmirata biss lejn is-self lill-intrapriżi u ilha taħdem minn Novembru 2013 u probabbilment għadu kmieni wisq biex jinsiltu konklużjonijiet sinifikanti dwar l-effikaċja tagħha. Uħud mill-ikbar banek fir-Renju Unit u ż-żona tal-euro komplew inaqqsu l-ingranaġġ b'ritmu pjuttost mgħaġġel u dan probabbilment jispjega ħafna mit-tnaqqis tas-self lill-intrapriżi. Dawk li jappoġġjaw l-FLS iressqu l-argument li s-sitwazzjoni tal-kreditu fir-Renju Unit kienet tkun ħafna agħar mingħajr id-disponibbiltà tal-finanzjament mill-FLS.

4.5

Il-KESE jemmen li skema simili għall-FLS għandha tiġi implimentata fiż-żona tal-euro. Skema tat-tip FLS fiż-żona tal-euro tista', tul perjodu ta' mhux iktar minn sentejn jew tliet snin, tikkontribwixxi biex il-finanzjament għall-intrapriżi jerġa' lura għal livelli iktar normali filwaqt li jiġi faċilitat il-proċess tat-tnaqqis ta' ingranaġġ li għaddej bħalissa.

4.6

Fil-5 ta' Ġunju 2014, il-BĊE ħabbar sensiela ta' miżuri ta' likwidità biex isaħħaħ is-self tal-banek lill-SMEs (13). Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-proposta ewlenija tal-BĊE, imsejħa operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirat fit-tul (Targeted Longer-Term Refinancing Operations – TLTRO), hija simili għall-Iskema tal-Fond għas-Self kif enfasizzat f'din l-Opinjoni.

4.7

Ħafna mill-proposti biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs li tressqu mill-Kummissjoni ntlaqgħu mill-KESE iżda fil-biċċa l-kbira għandhom qafas ta' perjodu medju jew fit-tul u jistgħu jeħtieġu leġislazzjoni u/jew istituzzjonijiet ġodda. Sadattant il-kriżi ta' finanzjament għal-likwidità operatorja għall-intraprżi hija immedjata, urġenti u nistgħu ngħidu saħansitra sejra għall-agħar. Il-KESE jemmen li l-persuni li jfasslu l-politika tal-UE għandhom jagħmlu iktar biex jipprovdu soluzzjonijiet fil-perjodu l-qasir bħall-iskema ta' inċentivi (Skema tal-Fond għas-Self jew LTRO) imsemmija hawn fuq. Kwalunkwe riskju ta' natura finanzjarja jew ta' reputazzjoni għandu jitqies b'kunsiderazzjoni tas-26 miljun persuna qiegħda (5,6 miljun taħt l-età ta' 25 sena) fl-UE.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Operazzjoni ta' rifinanzjament fuq żmien itwal li tipprovdi lill-banek fiż-żona tal-euro self b'rata ta' interess baxxa.

(2)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2013:327:SOM:MT:HTMLĠU C 327, 12.11.2013, p. 11.

(3)  COM(2014) 168 final.

(4)  COM(2014) 167 final.

(5)  http://www.bankofengland.co.uk/markets/Pages/FLS/default.aspx

(6)  http://www.ecb.europa.eu/press/pr/date/2014/html/pr140605_2.en.html

(7)  COM(2013) 150/2 final.

(8)  COM(2014) 168 final.

(9)  COM(2014) 167 final.

(10)  COM(2014) 172 final.

(11)  http://www.bankofengland.co.uk/markets/Pages/FLS/default.aspx

(12)  Għal deskrizzjoni komprensiva tat-tħaddim tal-FLS ara R. Churm u A. Radia 'The Funding for Lending Scheme' BoE Quarterly Bulletin, 2012 Q4 http://www.bankofengland.co.uk/publications/Documents/quarterlybulletin/qb120401.pdf

(13)  http://www.ecb.europa.eu/press/pr/date/2014/html/pr140605_2.en.html


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-soċjetà diġitali: aċċess, edukazzjoni, taħriġ, impjieg, għodod għall-ugwaljanza”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2014/C 451/04)

Relatur:

is-Sinjura CAÑO AGUILAR

Nhar it-22 ta’ Jannar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Is-soċjetà diġitali: aċċess, edukazzjoni, taħriġ, impjieg, għodod għall-ugwaljanza

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'128 vot favur u l-ebda vot kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-Unjoni Ewropea għandha tieqaf tkun biss utent tat-teknoloġija diġitali biex issir kreatriċi u produttriċi, biex b'hekk tippromovi t-talent. Għaldaqstant, l-informazzjoni, it-taħriġ u l-edukazzjoni huma prijorità.

1.2

Il-KESE jemmen li l-aċċessibbiltà għas-soċjetà diġitali għandha tkun għan prijoritarju għas-soċjetà Ewropea kollha kemm hi. Il-politiki implimentati f'dan il-qasam mhumiex biżżejjed biex tiġi indirizzata l-qasma diġitali, li qed tkompli tikber.

1.3

Il-KESE jfakkar li jridu jittieħdu miżuri adatti biex jiġi garantit l-aċċess għall-persuni b'diżabbiltà għas-soċjetà diġitali kif ukoll kundizzjonijiet indaqs f'dak li għandu x'jaqsam mat-teknoloġiji l-ġodda.

1.4

Is-soċjetà diġitali ma tistax tkun fattur ieħor ta' esklużjoni. Il-KESE jtenni b'mod speċjali l-ħtieġa li jiġu adottati politiċi adegwati sabiex l-anzjani ma jiġux esklużi u, anzi, jiġu integrati b'mod sħiħ fl-użu ta' teknoloġiji li jiffurmaw parti mill-ħajja ta' kuljum tan-nies.

1.5

Hemm bżonn ta' azzjoni konġunta bejn l-awtoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali biex ikun hemm tagħmir u programmi tal-informatika bi prezzijiet li jkunu jintlaħqu aktar u li jirrispettaw il-multilingwiżmu.

1.6

Il-politika tal-edukazzjoni Ewropea għandha tħejji liċ-ċittadini għall-ħajja. Il-KESE jinsisti li l-organizzazzjonijiet professjonali tas-settur tat-tagħlim għandhom jiġu kkonsultati.

1.7

Fi ħdan il-possibbiltajiet finanzjarji tal-Istati Membri, il-KESE huwa tal-fehma li l-appoġġ għat-tagħlim pubbliku huwa fundamentali biex jintlaħaq l-għan tal-ugwaljanza.

1.8

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni fuq l-importanza tal-libreriji pubbliċi tul il-proċess ta' taħriġ u edukazzjoni fid-dinja diġitali.

1.9

Il-KESE jirrakkomanda li jitħeġġu mudelli ta' innovazzjoni miftuħa u standards miftuħin. Għandhom jiġu evitati miżuri mhux ġustifikati biex titħares il-proprjetà intellettwali li jistgħu jillimitaw il-proċessi ta' innovazzjoni fl-ekonomija diġitali.

1.10

Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet tal-European Foundation for Quality in e-Learning (EFQUEL) fil-qasam tat-tagħlim.

1.11

Il-KESE jtenni r-rwol importanti tat-taħriġ vokazzjonali u tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u favur l-irkupru, billi jisħaq fuq ir-rwol tas-CEDEFOP f'dan il-qasam. Għaldaqstant il-KESE jirrakkomanda:

li tingħata aktar attenzjoni lit-taħriġ inizjali u addizzjonali tal-għalliema;

li jitrawwem it-tagħlim tal-ilsna;

li r-riżorsi edukattivi miftuħin jiġu ffukati fuq it-taħriġ vokazzjonali.

1.12

L-inizjattiva Orizzont 2020 għandha tikkontribwixxi biex tissaħħaħ il-pożizzjoni Ewropea fil-qasam tat-teknoloġija diġitali, fejn l-intrapriżi jirreġistraw inqas investimenti mill-kompetituri Asjatiċi u Amerikani tagħhom.

1.13

Il-KESE jqis li l-promozzjoni tan-negozji żgħar u medji (SMEs) Ewropej fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni hija fundamentali għax dawn jixprunaw proġetti innovattivi li huma vitali għal industrija li qed tinbidel kontinwament. Barra minn hekk, il-miżuri li jirriżultaw u dawk li jgħinu aktar il-finanzjament tal-SMEs għandhom jikkontribwixxu bil-bosta għall-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika.

1.14

L-appoġġ għall-istart-ups fil-qasam tat-teknoloġija diġitali jista' jikkontribwixxi biex tissaħħaħ l-industrija Ewropea tal-hardware u s-software. Il-KESE japprezza l-inizjattiva li jiġu appoġġjati l-programmi ta' riskju għoli fil-qafas tal-Aġenda Diġitali iżda jitlob aktar appoġġ mis-sistema finanzjarja.

1.15

Il-KESE jipproponi sett ta' miżuri biex jitħeġġeġ is-sehem tan-nisa fis-soċjetà diġitali.

2.   Kuntest

2.1

Hemm diversi deċiżjonijiet politiċi, programmi u inizjattivi tal-UE li jirreferu għall-inklużjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fl-edukazzjoni, fosthom:

il-programm tat-tagħlim onlajn (2004-2006);

il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja (2007-2013) li fih il-promozzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fl-edukazzjoni titqies bħala prijorità fil-parti trasversali tiegħu u tiġi integrata fis-sottoprogrammi Comenius, Erasmus, Grundtvig u Leonardo;

Il-programm Erasmus+ (2014-2020), li jidħol fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, tal-istrateġija tal-edukazzjoni u t-taħriġ 2020 u tal-istrateġija “Ħsibijiet ġodda dwar l-edukazzjoni”.

il-Komunikazzjoni dwar teknoloġiji u riżorsi edukattivi miftuħin (Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta' Teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa, COM(2013) 654 final).

2.2

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (2010), l-istrateġija ċentrali tal-Unjoni biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Orizzont 2020, tipprevedi diversi miżuri, fosthom dawk marbutin ma':

l-interoperabbiltà u l-istandards;

l-internet b'veloċità għolja;

it-tagħlim onlajn;

l-aċċessibbiltà għal persuni b'diżabbiltà;

il-litteriżmu diġitali, il-kompetenzi diġitali u l-inklużjoni diġitali.

2.3

Il-KESE indirizza dawn l-aspetti f'diversi Opinjonijiet (1).

2.4

Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tindirizza xi aspetti marbutin mal-aċċess għas-soċjetà diġitali, it-tagħlim, l-ugwaljanza u l-impjieg.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   L-aċċess għas-soċjetà diġitali

3.1.1

L-għodod li jipprovdu t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni qed jintużaw dejjem aktar fil-ħajja tan-nies. L-aċċess għas-soċjetà diġitali huwa dritt u sors ta' opportunitajiet li għandhom jintużaw b'mod sħiħ.

3.1.2

Il-KESE kkummenta kemm-il darba dwar l-importanza tal-broadband għas-soċjetà u l-ekonomija Ewropej (2) u għaldaqstant jilqa' bi pjaċir l-użu wiesa' tiegħu bis-satellita madwar it-28 Stat Membru. Iżda għad fadal diversi kawżi għall-qasma diġitali, li jiġu aggravati miż-żieda fir-rata tal-faqar, li min-naħa tagħha żdiedet minħabba l-kriżi ekonomika u soċjali.

3.1.3

Il-qasma diġitali mhijiex qed tingħalaq, fost affarijiet oħra minħabba: l-edukazzjoni (il-persuni b'edukazzjoni għolja għandhom possibbiltà tliet darbiet akbar li jużaw l-internet mit-33 % tal-popolazzjoni b'livell ta' edukazzjoni aktar baxx), l-età (l-internet jintuża b'mod ġenerali fost iż-żgħażagħ u kważi b'mod universali fost l-istudenti, iżda l-użu tiegħu huwa ħafna inqas fost il-persuni mdaħħlin fl-età), l-informazzjoni, li l-biċċa l-kbira tagħha hija bl-Ingliż, id-differenzi bejn iż-żoni rurali, urbani u insulari, eċċ.

3.1.4

L-awtoritajiet pubbliċi ħafna drabi qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet serji biex jiffinanzjaw l-ispejjeż tal-informatika fl-edukazzjoni f'kuntest ta' restrizzjonijiet baġitarji li jidhru li qed imorru għall-agħar minħabba l-Patt ta' Stabbiltà. Fost il-mezzi possibbli ta' finanzjament, wieħed minnhom – l-impożizzjoni ta' rati fuq l-utenti – jista' jaħdem kontra l-aċċessibbiltà u l-ugwaljanza fit-tagħlim.

3.1.5

L-aċċessibilità hija dritt tal-bniedem (3). Barra minn hekk, irid jitfakkar li fl-Artikoli 20, 21 u 26, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li hija parti integrali tat-Trattat ta' Lisbona, tipprojbixxi kull forma ta' diskriminazzjoni abbażi tad-diżabbiltà u tirrikonoxxi wkoll id-dritt tal-persuni b'diżabbiltà li jibbenefikaw minn miżuri speċifiċi; min-naħa tagħha, il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (UNCPRD) tobbliga lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw l-aċċess tal-persuni b'diżabbiltà, bl-istess kundizzjonijiet ta' ħaddieħor, għall-informazzjoni u għat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni, inkluż l-internet (4).

3.1.6

Il-persuni b'diżabbiltà għandhom probabbiltà darbtejn akbar li jkunu qiegħda u t-teknoloġiji l-ġodda (inkluż l-internet) iwittu t-triq għall-gost, l-edukazzjoni, il-kultura u ħafna aktar servizzi pubbliċi u privati, u anke biex jitħeġġeġ is-sehem fid-demokrazija. Għaldaqstant, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni aċċessibbli huma l-mezz indispensabbli biex il-persuni b'diżabbiltà jkunu jistgħu jikkompetu b'kundizzjonijiet ugwali fis-suq diġitali li qiegħed dejjem jikber u li jiġu inklużi f'dik l-imsejħa soċjetà diġitali.

3.1.7

Is-soċjetà diġitali ma tistax tkun fattur ieħor ta' esklużjoni. Għall-kuntrarju, fiha l-persuni vulnerabbli għandhom isibu mezz kif joħorġu mill-esklużjoni.

3.2   L-edukazzjoni fis-soċjetà diġitali

3.2.1

Is-soċjetà diġitali titlob rieda ta' ftuħ għall-bidla fl-istituzzjonijiet. L-UE għandha tħeġġeġ sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ li jkunu aċċessibbli għal kulħadd, maħsubin għall-iżvilupp tal-għarfien, il-ħiliet u l-kapaċitajiet taċ-ċittadini f'varjetà wiesgħa ta' suġġetti, ta' kompetenzi soċjali, ċiviċi u kulturali, il-kapaċità li wieħed jitgħallem, kif ukoll il-kreattività, l-innovazzjoni u l-kapaċità li wieħed jaħdem f'tim.

3.2.2

Dawk kollha li huma responsabbli għas-sistema edukattiva għandhom irawmu ambjent ta' tagħlim fl-iskejjel li jwassal għal attitudni pożittiva lejn l-innovazzjoni, il-kwalità u l-kooperazzjoni fil-prattika tat-tagħlim; jeħtieġ li l-istudenti kollha jkunu attivi fil-proċess ta' tagħlim, u jkun hemm tixrid tal-prattiki tajbin, sehem fil-ħajja ċivika u l-esperjenzi fl-iskola, kif ukoll trawwim ta' kultura ta' valutazzjoni.

3.2.3

Il-politika tal-edukazzjoni tal-UE ma rnexxilhiex tixpruna biżżejjed lill-awtoritajiet nazzjonali tal-edukazzjoni biex jiggarantixxu l-użu pedagoġiku tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni mill-għalliema sa mill-fażi tat-taħriġ inizjali tagħhom u mill-istituzzjonijiet edukattivi, b'mod partikolari fl-edukazzjoni primarja u sekondarja u fit-taħriġ vokazzjonali. B'mod partikolari ma ħeġġitx lill-Istati Membri biżżejjed biex iwettqu l-investimenti li titlob edukazzjoni moderna, innovattiva u ta' kwalità bbażata fuq it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

3.2.4

Il-Ministeri tal-Edukazzjoni għandhom jipprogrammaw taħriġ speċifiku għall-għalliema u jagħtu spinta biex jinbidel il-mod kif jingħata t-tagħlim.

3.2.5

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni fuq l-importanza tal-libreriji pubbliċi tul il-proċess ta' taħriġ u edukazzjoni fid-dinja diġitali.

3.2.6

Sa mill-iżgħar età tal-iskola, it-tfal jistgħu jibdew jiġu mgħallma l-mod kif jaħdmu l-kompjuters u kif isir l-ipprogrammar b'mod li huma jieħdu gost, sabiex mill-aktar fis possibbli l-Ewropej jieqfu jkunu biss utenti tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u jibdew ukoll jikkreaw u jipproduċu. F'ċerti oqsma l-UE hija ċentru ta' eċċellenza fir-riċerka (pereżempju fir-riċerka dwar in-nanokomponenti elettroniċi), iżda jeħtieġ tagħmel iżjed minn hekk.

3.2.7

Is-sistemi edukattivi Ewropej joffru eżempji ta' edukazzjoni ta' kwalità għolja sa mill-edukazzjoni primarja, it-taħriġ vokazzjonali u l-università. Madanakollu hemm bżonn ta' tibdil fil-kurrikuli li jinkludi l-użu pedagoġiku tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-valutazzjoni tagħhom.

3.2.8

Il-KESE jirrakkomanda l-promozzjoni ta' mudelli ta' innovazzjoni miftuħa u standards miftuħin u li jiġu evitati li miżuri mhux ġustifikati għall-ħarsien tal-proprjetà intellettwali jillimitaw il-proċessi ta' innovazzjoni fl-ekonomija diġitali.

3.2.9

Il-protokoll SPI (Simple Publishing Interface) – żviluppat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni – għandu l-għan li jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn għodod għall-produzzjoni ta' kontenut u bażijiet għall-immaniġġjar b'mod konsistenti tar-riżorsi ta' tagħlim u tal-metadata.

3.2.10

L-interoperabbiltà tista' tiffaċilita wkoll l-użu tat-teknoloġiji ta' assistenza li jeħtieġu l-persuni b'diżabbiltà biex ikollhom aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

3.3   Taħriġ. Għodda biex tiġi ffaċċjata l-kriżi ekonomika.

3.3.1

Ħajjet in-nies tistagħna bis-saħħa tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u jipprovdulhom ukoll ħiliet li huma meħtieġa f'soċjetà demokratika. L-iżvilupp soċjali u ekonomiku jiddependi ħafna mit-taħriġ vokazzjonali, peress li dan jipprovdi l-aċċess għall-ħiliet u għad-dħul fis-suq tax-xogħol. Għall-gruppi inqas vantaġġati u marġinati b'mod partikolari, jista' jgħinhom ikollhom ħajja aħjar. Madanakollu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mhumiex biss pont bejn l-edukazzjoni u l-impjieg, iżda huma wkoll importanti ħafna fihom infushom. L-istitut tal-istatistika tal-UNESCO stqarr li hemm relazzjoni bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

3.3.2

L-Erasmus Plus huwa l-istrateġija ċentrali tal-Unjoni f'dan il-qasam u, kif innota l-KESE, “għandu jkun strument ewlieni għaż-żieda fl-appoġġ għall-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jitjiebu l-ħiliet taċ-ċittadini, jgħin biex tiġi indirizzata r-rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ f’ħafna Stati Membri”. Madanakollu huma l-Istati Membri – li għandhom il-kompetenza f'dan il-qasam – li jridu jagħmlu l-isforz biex jagħtu lill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali r-riżorsi neċessarji u l-importanza li għandu jkollhom bħala parti mis-sistema edukattiva.

3.3.3

Il-KESE jfakkar li l-ħidma tas-CEDEFOP dwar it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tindirizza kwistjonijiet – bħall-edukazzjoni għall-adulti, il-kwalifiki u l-ħiliet, il-validazzjoni u l-proċessi tal-garanzija tal-kwalità – li huma fundamentali għal dawk li għandhom aktar diffikultajiet biex ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol. Huwa importanti li s-CEDEFOP jingħata aktar riżorsi.

3.3.4

Il-KESE jipproponi:

li t-taħriġ vokazzjonali jingħata aktar valur;

li ssir aktar enfasi fuq it-taħriġ inizjali u permanenti tal-għalliema;

li jitrawwem it-tagħlim tal-ilsna, li huwa fundamentali għall-mobbiltà tal-ħaddiema;

li r-riżorsi edukattivi miftuħin jiġu ffukati fuq it-taħriġ vokazzjonali.

3.4   L-ekonomija diġitali u l-impjieg

3.4.1

L-UE għandha rata għolja ta' qgħad u fl-istess ħin, skont il-Kummissjoni, fuq żmien qasir qed tiffaċċja nuqqas ta' 9 00  000 persuna kkwalifikata biex timla postijiet tax-xogħol fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

3.4.2

It-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni jaffettwaw bil-qawwi 'l-impjieg, u s-suċċess tal-Aġenda Diġitali huwa marbut mal-eżistenza ta' intrapriżi b'teknoloġija avvanzata: fl-2008, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni pprovdew lill-UE b'valur miżjud ta' EUR 574 biljun u impjegaw 8,3 miljun persuna. L-intrapriżi Ewropej – li jħabbtu wiċċhom ma' problemi bħal swieq frammentati u fondi insuffiċjenti – għandhom isaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-konfront tal-ġganti li jiddominaw is-swieq dinjin, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma Amerikani.

3.4.3

Bħal kull progress teknoloġiku ieħor, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jikkawżaw taqlib fl-impjieg. Dan għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-ħolqien ta' karrieri, kwalifiki, ħiliet u ċertifikazzjonijiet, kemm għall-persuni esklużi mix-xogħol minħabba t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, kif ukoll dawk megħjuna minn dawn it-teknoloġiji biex ikunu inklużi.

3.4.4

Il-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali – li nħolqot mill-Kummissjoni f'Marzu 2013 – tindirizza l-kwistjonijiet ewlenin (taħriġ u adattament tal-korsijiet għal impjiegi fil-qasam diġitali, il-mobbiltà, iċ-ċertifikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni, it-tagħlim innovattiv) iżda m'għandhiex baġit allokat. Barra minn hekk, fil-qafas tal-Aġenda Diġitali jeżistu inizjattivi oħrajn: l-Istrateġija dwar il-Ħiliet Elettroniċi, il-Pakkett dwar l-Impjiegi, l-inizjattiva “Niftħu l-Edukazzjoni”, l-istrateġija tar-“Reviżjoni tal-Edukazzjoni”, l-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ u l-Panorama ta' Ħiliet tal-UE.

3.4.5

Din il-Koalizzjoni għandha tinkludi lill-industrija, iżda anke lid-dinja tal-edukazzjoni, sabiex permezz ta' apprendistati li jsiru fi ħdan l-intrapriżi titrawwem rabta aħjar mas-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

3.4.6

Għandu jiġi nnutat li f'dawn il-programmi ma jitqisux biżżejjed il-ħtiġijiet speċjali tal-persuni esklużi minħabba diżabbiltà, speċjalment biex jinkisbu l-ħiliet diġitali (e-skills), il-litteriżmu diġitali u l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol diġitali.

3.4.7

Minkejja li l-kumpaniji l-kbar tat-teknoloġija avvanzata tal-Ewropa jinvestu fir-Riċerka u l-Iżvilupp, huma jagħmlu dan inqas mill-intrapriżi Asjatiċi u dawk tal-Istati Uniti. Il-KESE jittama li l-Orizzont 2020, li għandu baġit ta' EUR 78,6 biljun, jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-pożizzjoni Ewropea fis-swieq dinjin.

3.4.8

Il-KESE jqis li l-promozzjoni tal-SMEs Ewropej fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni hija fundamentali għax dawn jixprunaw proġetti innovattivi li huma vitali għal industrija li qed tinbidel kontinwament. Bħala għajnuna biex tingħeleb il-kriżi, hemm bżonn li jinstabu soluzzjonijiet għad-diffikultajiet finanzjarji li jiffaċċjaw l-intrapriżi ż-żgħar u l-proġetti innovattivi (start-ups) iddedikati għall-innovazzjoni teknoloġika.

3.5   Is-soċjetà fl-era diġitali għandha tkun inklużiva

3.5.1

Bħalissa 30 % biss minn madwar 7 miljun persuna li jaħdmu fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni huma nisa, li jfisser li huma sottorappreżentati fil-livelli kollha u, fuq kollox, fil-postijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Hemm persentaġġ ogħla ta' nisa minn irġiel li għandhom edukazzjoni terzjarja, iżda xorta waħda n-nisa għadhom żvantaġġati fl-impjieg, il-pagi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-aċċess għal postijiet ta' responsabbiltà kbira.

3.5.2

Tibdil fil-politika huwa neċessarju b'mod speċjali minħabba l-waqgħa fl-għadd ta' nisa ggradwati fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni: bħalissa huma biss 29 mara minn kull elf b'livell ta' edukazzjoni postuniversitarja li kisbu din il-kwalifika fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u huma biss 4 minn kull elf li jmorru jaħdmu fis-settur direttament.

3.5.3

Għalkemm is-sehem akbar tan-nisa fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jista' jżid il-PDG taż-żona tal-euro b'EUR 9 biljun, hemm għadd ta' raġunijiet (tradizzjonijiet u sterjotipi kulturali, fost oħrajn) li jispjegaw dan in-nuqqas ta' parteċipazzjoni fis-settur, u din hija problema mhux biss Ewropea iżda tad-dinja kollha.

3.5.4

Għaldaqstant, il-KESE jissuġġerixxi:

li tiġi approfondita r-riċerka biex jiġu determinati liema fatturi jaffettwaw in-nuqqas ta' nisa fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni inġenerali u għaliex dawn jagħżlu inqas li jistudjaw ix-xjenzi, il-matematika u t-teknoloġija;

li tiġi kkunsidrata l-adozzjoni ta' pjani u miżuri attivi, u li dawn jingħataw il-finanzi, maħsubin għall-ugwaljanza tal-ġeneru;

li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet b'diżabbiltà li għandhom tendenza jkunu diskriminati meta mqabbla mal-irġiel b'diżabbiltà fl-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjieg, u li jiltaqgħu wkoll ma' diffikultajiet akbar biex ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol, u għaldaqstant ikun diffiċli għalihom li jkollhom ħajja indipendenti;

li jiġu identifikati mudelli u għażliet ta' karriera biex inebbħu lin-nisa u lill-bniet;

li ssir reviżjoni tal-istatus tal-Kodiċi Ewropew tal-Prattiki Tajbin għan-nisa u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

li jsiru kampanji ta' suċċess fil-midja soċjali;

it-tagħlim tal-mod kif jaħdmu l-kompjuters u ta' kif isir l-ipprogrammar meta t-tfal ikunu għadhom żgħar (mill-iskola primarja) ma jistax ħlief jgħin is-sehem tal-bniet fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

L-aċċessibbiltà għandha tkun għan prijoritarju mhux biss tal-awtoritajiet iżda tas-soċjetà kollha kemm hi għax tolqot lill-atturi ekonomiċi u soċjali kollha. Madanakollu, il-politiki tal-Unjoni u, b'mod ġenerali, dawk ta' ħafna Stati Membri s'issa ma kinux biżżejjed.

4.2

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali jippromovu miżuri konġunti biex naslu għal tnaqqis sostanzjali fl-ispejjeż tal-materjal informatiku – inkluża l-firxa tal-użu ta' software b'xejn u b'sors miftuħ (open-source) bħal-Linux – u li jkun hemm kontenuti Ewropej għall-informazzjoni u l-għarfien.

4.3

Politika adegwata għall-UE fis-seklu 21 teħtieġ mentalità miftuħa għat-tibdil. L-għan ewlieni tas-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ Ewropej m'għandux ikun biss li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet speċifiċi tas-suq tax-xogħol (aspett li fuqu l-Kummissjoni Ewropea ffukat prinċipalment il-politika tal-edukazzjoni tagħha) iżda li tingħata edukazzjoni għall-ħajja. It-tħejjija tal-politiki tal-edukazzjoni tal-UE għandha tinkludi l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-għalliema u taċ-ċentri tat-tagħlim, li bħalissa għadu mhuwiex il-każ.

4.4

Billi nżommu f'moħħna li l-Istati Membri huma soġġetti għal limiti baġitarji u li – fil-qafas tal-istituzzjonijiet demokratiċi – jadottaw deċiżjonijiet li jqisu l-aħjar għaċ-ċittadini tagħhom, hemm bżonn li jiġi enfasizzat il-bżonn imperattiv li jsir investiment fl-edukazzjoni pubblika biex jintlaħaq l-għan tal-ugwaljanza fl-aċċess għat-tagħlim, indipendentement mill-oriġini soċjali tal-istudenti u mill-mezzi finanzjarji li għandhom.

4.5

Il-Kummissjoni għandha tisħaq li l-metadata tal-edukazzjoni għandha tkun b'xejn u meqjusa ta' interess ġenerali, u li ma tkunx soġġetta għal privattivi ta' proprjetà minn intrapriżi privati. Minbarra l-programm Ewropew tal-qasam tal-istandardizzazzjoni SPI, hemm bżonn tiġi enfasizzata l-importanza tal-e-Contentplus, programm tal-Kummissjoni dwar il-metadata.

4.6

Biex jiġu garantiti l-kwalità u l-adattament tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jingħata, l-għalliema u ċ-ċentri edukattivi għandu jkollhom il-kontroll tal-kontenut ta' dak li jiġi mgħallem. Il-KESE jqis li għandha tingħata attenzjoni lir-rakkomandazzjonijiet tal-EFQUEL dwar il-miżuri leġislattivi, l-armonizzazzjoni, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, eċċ.

4.7

Il-KESE esprima d-diżappunt tiegħu dwar il-qtugħ qawwi fil-baġit tal-Aġenda Diġitali għall-perjodu 2014-2020, mid-EUR 9,2 biljun proposti inizjalment għal EUR 1,14 biljun li fl-aħħar mill-aħħar ġew approvati.

4.8

Il-KESE japprezza l-appoġġ finanzjarju għall-inizjattivi innovattivi ta' riskju għoli mfasslin mill-SMEs li ngħata fil-qafas tal-Orizzont 2020. Huma ta' importanza kbira l-miżuri biex l-SMEs u l-istart-ups jiksbu aktar finanzjament mhux biss mill-awtoritajiet pubbliċi iżda anke mis-swieq u mis-sistema finanzjarja.

4.9

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi inkorporata d-dimensjoni tal-aċċessibbiltà fl-inizjattivi kollha tal-isfera diġitali, billi jiżgura li l-programmi tat-tagħlim elettroniku, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, il-materjal u l-għodda (onlajn u offlajn) ikunu aċċessibbli mill-persuni b'diżabbiltà u mill-persuni vulnerabbli kollha. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-inklużjoni ta' persuni b'diżabbiltà fil-postijiet tax-xogħol ġodda tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li l-UE tixtieq timla.

Brussell, 10 ta’ Lulju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 271, 19.09.2013, p. 127; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9; ĠU C 214, 8.7.2014, p. 31.

(2)  ĠU C 67, 06.03.2014, p. 137.

(3)  ĠU C 177, 11.06.2014, p. 15.

(4)  ĠU C 271, 19.09.2013, p. 116.


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Iċ-ċiberattakki fl-UE”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2014/C 451/05)

Relatur:

is-Sur McDonogh

Nhar is-27 ta’ Frar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Iċ-ċiberattakki fl-UE

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’135 vot favur, u vot 1 kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jixtieq li fil-livell tal-UE tinħoloq awtorità taċ-ċibersigurtà bħall-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) li tipprovdi t-tmexxija soda li hemm bżonn fil-livell tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-kumplessitajiet ta' implimentazzjoni effettiva ta' politika taċ-ċibersigurtà mifruxa fl-Ewropa kollha.

1.2

Iċ-ċibersigurtà fl-Ewropa tirrikjedi ċittadini infurmati u kompetenti sabiex taħdem tajjeb. L-edukazzjoni taċ-ċittadini fil-qasam taċ-ċibersigurtà personali u l-protezzjonit tad-data għandha tkun parti fundamentali tal-kurrikuli fl-iskejjel u l-programmi ta' taħriġ fil-post tax-xogħol. Barra minn hekk l-UE għandha tmexxi programmi ta' informazzjoni għall-pubbliku u inizjattivi fl-Unjoni kollha dwar dawn it-temi.

1.3

L-intrapriżi għandhom ikunu obbligati legalment li jkollhom approċċ proattiv lejn il-ħarsien tal-kumpanija tagħhom miċ-ċiberattakki, inkluż ICT sikuri u sodi u edukazzjoni għall-persunal dwar politiki ta' sigurtà, hekk kif għandhom dwar kwistjonijiet ta' saħħa u sigurtà.

1.4

Kull Stat Membru għandu jkollu organizzazzjoni li tinforma, teduka u tappoġġja lis-settur tal-SMEs dwar kwistjonijiet tal-aħjar prattika fil-qasam taċ-ċibersigurtà. L-intrapriżi l-kbar faċilment jakkwistaw l-għarfien li għandhom bżonn iżda l-SMEs għandhom bżonn appoġġ.

1.5

Il-mandat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) għandu jiġi estiż u jiġu provduti fondi sabiex tittieħed responsabbiltà iktar diretta ta' programmi ta' edukazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u ta' sensibilizzazzjoni mmirati b'mod partikolari lejn iċ-ċittadini u l-SMEs.

1.6

Il-livelli ta' tmexxija tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu iktar konxji mir-responsabbiltà tagħhom għaċ-ċibersigurtà. Ir-resposabbiltajiet korporattivi potenzjali li jirriżultaw minn politika u azzjonijiet inadegwati fil-qasam taċ-ċibersigurtà għandhom jiġu komunikati b'mod espliċitu lid-diretturi tal-organizzazzjonijiet kollha.

1.7

B'riżultat tar-rwol kritiku tal-provvedituri tas-servizzi online, il-provvedituri tas-servizzi tal-internet (ISPs) għandu jkollhom ir-responsabbiltà speċjali tal-ħarsien tal-konsumaturi tagħhom miċ-ċiberattakki. Din ir-responsabbiltà għandha tiġi definita u ankrata fil-leġislazzjoni fil-livell Ewropew.

1.8

Sabiex jiġi żgurat malajr l-isfruttament tal-potenzjal kbir ta' tkabbir ekonomiku mill-espansjoni dinamika tal-cloud computing (1), hemm bżonn li fil-livell tal-UE jiġu imposti rekwiżiti u obbligi tas-sigurtà speċjali fuq il-provvedituri tas-servizzi cloud.

1.9

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-miżuri volontarji mhumiex biżżejjed u jinħtieġ li l-Istati Membri jintrabtu b'obbligi regolatorji rigorużi biex jiġu żgurati l-armonizzazzjoni, il-governanza u l-infurzar taċ-ċibersigurtà fil-livell Ewropew. Hemm bżonn ukoll ta' leġislazzjoni li tobbliga lill-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet jirrapurtaw inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà mhux għall-provvedituri ta' infrastruttura kritika biss. Dan iżid il-kapaċità tal-Ewropa li tirrispondi malajr għat-theddid kif ukoll l-għarfien u l-fehim taċ-ċiberattakki sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati mekkaniżmi aħjar ta' difiża.

1.10

Il-Kumitat jirrakkomanda li sabiex tindirizza t-theddida taċ-ċiberattakki, l-UE għandha tieħu approċċ ibbażat fuq id-disinn, billi tiżgura li t-teknoloġiji u s-servizzi kollha li jintużaw fl-Ewropa għall-konnettività tal-internet u s-servizzi online jitfasslu b'mod li jipprovdu l-ogħla livell possibbli ta' sigurtà miċ-ċiberattakki. Kunsiderazzjonijiet ta' disinn għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq l-interfaċċja bejn il-magna u l-bniedem.

1.11

Il-KESE jixtieq li jiġu żviluppati standards sostanzjali taċ-ċibersigurtà u li l-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej iwassluhom fit-teknoloġija u s-servizzi tan-netwerking tal-ICT. Dawn l-istandards għandhom jinludu kodiċi tal-kondotta obbligatorja li tiżgura li t-tagħmir kollu tal-ICT u s-servizzi tal-internet li jinbigħu liċ-ċittadini Ewropej ikunu konformi mal-ogħla standards.

1.12

L-UE għandha taġixxi mingħajr dewmien biex tiżugra li kull Stat Membru għandu skwadra ta' rispons f'emerġenza relatata mal-kompjuters (CERT) li jħarsu u lill-Ewropa miċ-ċiberattakki.

1.13

Il-Kumitat jesiġi li ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) fil-Europol jirċievi l-finanzjament addizzjonali meħtieġ għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u biex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-forzi tal-pulizija fl-Ewropa u l-forzi barra mill-Unjoni, sabiex iżidu l-kapaċità tal-Ewropa li taqbad u tħarrek liċ-ċiberkriminali.

1.14

Fil-qosor, il-KESE huwa tal-fehma li l-politika tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà għandha b'mod partikolari tilħaq l-għanijiet li ġejjin: tmexxija tal-UE b'saħħitha; politiki dwar iċ-ċibersigurtà li jżidu s-sigurtà u fl-istess ħin jirrispettaw il-ħajja privata u drittijiet fundamentali oħra; sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u t-tħeġġiġ ta' approċċi proattivi ta' protezzjoni; governanza globali min-naħa tal-Istati Membri; azzjoni infurmata u responsabbli min-naħa tal-intrapriżi; sħubija profonda bejn il-gvernijiet, is-settur privat u ċ-ċittadini; livelli adegwati ta' investiment; standards tekniċi tajbin u investimenti suffiċjenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni; u impenn fil-livell internazzjonali. F'dan ir-rigward, il-Kumitat jisħaq fuq ir-rakkomandazzjonijiet li għamel f'bosta opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-politika taċ-ċibersigurtà (2) u jitlob lill-Kummissjoni twettaq segwitu tal-azzjonijiet li talab.

2.   Ambitu tal-Opinjoni

2.1

L-ekonomija tal-internet tiġġenera iktar minn kwint tat-tkabbir fil-PDG tal-UE u kull sena 200 miljun Ewropew jixtru minn fuq l-internet. Niddependu mill-internet u t-teknoloġija diġitali konnessa biex nappoġġjaw l-enerġija vitali, is-saħħa, il-gvern u s-servizzi finanzjarji. Madanakollu, l-infrastruttura u s-servizzi diġitali li jaqdu rwol tant essenzjali fil-ħajja ekonomika u soċjali tagħna huma vulnerabbli għal riskju li qed jikber ta' ċiberattakki li jheddu l-prosperità u l-kwalità tal-ħajja tagħna.

2.2

Il-Kumitat jemmen li ż-żieda fid-dipendenza tal-Unjoni fuq l-internet u t-tekonoloġija diġitali mhux qed tiġi akkumpanjata minn żieda fil-prattiki u l-politiki li jipprovdu livell adegwat ta' ċibersigurtà fl-Ewropa kemm issa kif ukoll fil-futur. L-għan ta' din l-opinjoni huwa li tenfasizza l-lakuni li l-Kumitat iqis li hemm fil-politika taċ-ċibersigurtà tal-UE u li jirrakkomanda t-titjib li jista' jsir fil-ġlieda konta r-riskji taċ-ċiberattakki.

2.3

Iċ-ċiberattakki jseħħu għal diversi raġunijiet fosthom dawk personali pereżempju vendetta kontra persuna jew kumpanija kif ukoll spjunar min-naħa ta' stat jew gwerra ċibernetika bejn il-pajjiżi. Hija u titfassal din l-opinjoni ttieħdet id-deċiżjoni li l-ambitu tagħha jiġi limitat għaċ-ċiberattakki kriminali sabiex niffukaw fuq ir-rakkomandazzjonijiet għal problemi ta' tħassib primarju għall-maġġoranza tal-Kumitat. Id-dibattitu politiku kumpless dwar iċ-ċiberattakki ta' Stati Membri kontra ċ-ċittadini jew stati oħra jista' jkun it-tema ta' opinjoni oħra fil-ġejjieni.

2.4

Din l-opinjoni tindirizza biss iċ-ċiberattakki minn kriminali ċibernetiċi b'motivazzjoni finanzjarja li jikkostitiwixxu l-ikbar maġġoranza tal-attakki. Jekk jiġu stabbiliti politiki u prattiki taċ-ċibersigurtà li jindirizzaw iċ-ċiberattakki għal raġunijiet kriminali b'mod effettiv, ir-riskju taċ-ċiberattakki għal raġunijiet politiċi jew personali ser jonqsu wkoll.

2.5

Filwaqt li l-UE għamlet progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-Azzjonijiet ta' Fiduċja u Sigurtà tal-Aġenda Diġitali u żviluppat strateġija taċ-ċibersigurtà wiesgħa li tindirizza ħafna mill-punti fil-lista preċedenti, hemm iktar xogħol xi jsir.

3.   Iċ-ċiberattakki u ċ-ċibersigurtà

3.1

Ċiberattakk huwa kwalunkwe tip ta' azzjoni offensiva immirata lejn sistemi tal-informazzjoni, infrastrutturi, netwerks kompjuterizzati u/jew tagħmir diġitali personali permezz ta' atti malizzjużi ta' serq, tibdil jew distruzzjoni ta' xi ħaġa speċifika. Din tista' tieħu l-forma ta' flus, data jew teknoloġija tal-informazzjoni.

3.2

Il-kriminali ċibernetiċi jattakkaw biex jisirqu jew flus jew data, sabiex iwettqu frodi, spjunaġġ kriminali jew estorsjoni. L-attakki ta' ċiberkriminalità jistgħu jagħmlu ħsara lin-netwerks u s-servizzi essenzjali li niddependu minnhom għas-saħħa, is-sigurtà u l-benesseri ekonomika inkluż in-netwerks tal-gvern, tat-trasport u tal-enerġija.

3.3

It-theddida taċ-ċiberattakki tikber mad-dipendenza tagħna fuq l-internet u t-teknoloġija diġitali. Skont rapport reċenti ta' Symantec, in-numru totali ta' ksur tal-ħarsien tad-data żdied b'62 % fuq livell globali li jammonta għal iktar minn 552 miljun rekord espost. Dan il-ksur ħafna drabi espona l-ismijiet reali, dati tat-twelid jew numri ta' identità tal-gvern, dokumenti mediċi jew informazzjoni finanzjarja. Barra minn hekk 38 % tal-utenti tat-telefonija ċellulari esperjenzaw ċiberkriminalità dawn l-aħħar 12-il xahar.

3.4

Iċ-ċiberattakki jista' jkollhom impatt kbir fuq il-kumpaniji individwali u l-ekonomija tal-Ewropa b'mod ġenerali.

Skont rapport tal-industrija li sar fl-2011, kull sena l-vittmi globali taċ-ċiberattakki jġarrbu telf ta' madwar EUR 290 biljun li jfisser li ċ-ċiberkriminalità tara iktar dħul mit-traffikar globali tal-marijuana, il-kokaina u l-eroina meħuda f'daqqa.

Iċ-ċittadini jinsabu f'periklu kontinwu ta' serq tal-identità miċ-ċiberattakki. F'Mejju 2014, f'attakk wieħed fuq bażi ta' data, insterqu d-dettalji ta' 145 miljun persuna b'kont mal-eBay. Skont stħarriġ dwar iċ-ċibersigurtà li sar fl-2013 mill-Università ta' Kent, f'sena waħda (2012/13) iktar minn 9 miljun adult fir-Renju Unit raw dħul mhux awtorizzat fuq il-kontijiet online tagħhom, 8 % tal-popolazzjoni tilfet il-flus b'riżultat taċ-ċiberkriminalità, u 2,3 % tal-popolazzjoni tar-Rejnu Unit tilfet iktar minn £10,000 b'riżultat taċ-ċiberkriminalità.

Fl-2011 rapport tal-gvern Brittaniku stima l-prezz totali taċ-ċiberkriminalità għall-ekonomija tar-Renju Unit għal £27 biljun:

Frodi online £1,4bn

Serq tal-identità £1,7bn

Telf tal-proprjetà intellettwali £9,2bn

Spjunar £7,6bn

Telf tal-informazzjoni tal-klijenti £1bn

Serq online (dirett) min-negozji £1,43bn

Estorsjoni £2,2bn

Frodi fiskali £2,3bn

Iċ-ċiberattakki jikkawżaw danni ekonomiċi kbar fl-Ewropa kull sena. Mal-ispejjeż għandhom jingħaddu:

It-telf tal-proprjetà intellettwali u l-informazzjoni sensittiva;

Spejjeż ta' opportunità inkluż interruzzjonijiet tas-servizz u tax-xogħol;

Ħsara lill-profil tad-ditta u r-reputazzjoni tal-kumpanija;

Penali u ħlasijiet ta' kumpens lill-konsumaturi (għall-inkonvenjenza jew telf konsegwenzjali) jew kumpens kuntrattawli (għal dewmien eċċ.);

Spiża tal-kontromiżuri u l-assigurazzjoni;

Spiża tal-istrateġiji ta' mitigazzjoni u rkupru miċ-ċiberattakki;

It-telf tan-negozju u l-kompetittività;

Distorsjoni tan-negozju; u

Telf tal-impjiegi.

Skont pubblikazzjoni tal-gvern tar-Renju Unit, dwar l-istħarrig dwar ksur tas-sigurtà tal-informazzjoni fl-2014, 81 % tal-kumpaniji l-kbar u 60 % tal-SMEs raw ksur ta' sigurtà fl-2013.

L-istess rapport tal-gvern stima li l-ispiża medja li tista' ġġarrab organizzazzjoni kbira wara l-ikbar ksur taċ-ċibersigurtà tista' tkun bejn EUR 1 4 00  000 sa EUR 1 40  000 għal SME.

Anki jekk attakk ma jirnexxix, l-ispiża tal-mitigazzjoni qed togħla b'mod rapidu. Fl-2014 it-tkabbir fis-suq globali tas-sigurtà tal-informazzjoni ser jaċċellera għal 8,6 % u jaqbeż it-$73 biljun.

3.5

Iċ-ċiberattakki tekniċi jevolvu kontinwament:

Ċiberattakk ħafna drabi jinvolvi l-użu ta' attakk vektorjali li permezz tiegħu jinkiseb aċċess għall-informazzjoni tal-identità online, computer jew server fuq netwerrk għal skopijiet negattivi. Fost l-attakki vektorjali komuni nsibu tagħmir tal-USB, messaġġi elettroniċi b'kontenut mehmuż, paġni fuq l-internet, pop-ups, messaġġi f'ħin reali, chat rooms, qerq u phishing.

L-iktar forom komuni ta' ċiberattakki jinvolvu l-użu ta' ''malware''. Dan huwa programm malizzjuż li jista' jieħu kontroll ta' tagħmir diġitali għal għanijiet kriminali pereżempju sabiex jinsterqu dettalji ta' login jew flus jew sabiex jinxterdu bugs fuq tagħmir jew profili ta' persuni oħra. Dawn il-programmi jinkludu viruses tal-computer (worms u Trojan horses), ransomeware, spyware, adware, scareware u programmi malizzjużi oħra. Pereżempju r-ransomeware huwa tip ta' malware li jagħlaq l-aċċess għas-sistema kompjuterizzata li jinfetta u jitlob riskatt għall-aċċess.

Il-malware jista' jibdel computer f'bot marbut mal-botnet tal-persuna li qed twettaq l-att kriminali jew netwerk zombie ikkontrollata mill-kriminal sabiex jattakka lill-vittmi.

It-tixrid ta' emails mhux mitluba (spamming) iseħħ meta l-persuna li qed twettaq l-att kriminali tibgħat ta' spiss messaġġi elettroniċi mhux permessi bil-għan li l-vittma tonfoq il-flus fuq oġġetti foloz. Il-maġġoranza tal-messaġġi mhux mitluba jintbagħtu mill-botnets.

L-attakki ta' phishing huma attentati ta' serq tal-ismijiet tal-utenti, ipasswords u dettalji tal-karti ta' kreditu in-naħa ta' entità li tagħti impressjoni ta' affidabbiltà sabiex min ikun qed iwettaq l-att kriminali jkun jista' jieħu kontroll tal-indirizzi elettroniċi, in-netwerk soċjali u l-kontijiet elettroniċi tal-bank tal-vittma. Dawn l-attakki huma effettivi għal min ikun qed iwettaqhom billi 70 % tal-utenti tal-internet jużaw l-istess password għal kull servizz li jużaw fuq l-internet.

Il-kriminali ċibernetiċi ġieli jużaw attakki li jwaqqfu s-servizz sabiex jheddu lill-kumpaniji jew ogranizzazzjonijiet għall-flus. Dawn l-attakki jippruvaw iwaqqfu l-aċċess tal-utenti għal magna jew riżors ta' netwerk billi jimlew is-servizz ikkonċernat b'talbiet għal komunikazzjoni esterna sabiex ma jkunx jista' jirrispondi għal talbiet leġittimi jew jirrispondi bil-mod tant li s-servizz ma jibqax disponibbli. Il-kriminali ħafna drabi jużaw il-botnets għall-attakki li jwaqqfu s-servizz.

3.6

Jeżisti ftehim fost l-organizzazzjonijiet taċ-ċibersigurtà dwar l-azzjonijiet prijoritarji li ċ-ċittadini u l-intrapriżi għandhom jieħdu għal protezzjoni miċ-ċiberattakki. Dawn il-prattiki għandhom jiġu komunikati f'kull programm ta' tagħlim u edukazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà:

a.

Iċ-ċittadini għandhom

jużaw passwords sodi li jistgħu jiftakru;

jinstallaw software ta' anti-virus fuq tagħmir ġdid;

jivverifikaw il-modalitajiet ta' privatezza fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali;

jixtru fuq l-internet b'mod sikur billi jiżguraw li s-sit minn fejn qed jixtru huwa sikur u

jniżżlu software u applikazzjonijiet fejn ikun hemm bżonn.

b.

L-intrapriżi għandhom

jibblukkaw l-użu ta' programmi mhux awtorizzati (application whitelisting);

jużaw konfigurazzjonijiet tas-sistema standardizzati u sikuri;

jużaw software ta' aġġornament ta' applikazzjoni fi żmien 48 siegħa;

jużaw software ta' aġġornament ta' sistema fi żmien 48 siegħa;

inaqqsu n-numru ta' utenti li għandhom privileġġi amministrattivi.

3.7

Il-kumpaniji ż-żgħar ħafna drabi m'għandhomx biżżejjed appoġġ fil-qasam tal-IT biex iżommu aġġornati fir-rigward tal-perikli ċibernetiċi għalhekk għandhom bżonn għajnuna speċjali sabiex jipproteġu ruħhom miċ-ċiberattakki.

3.8

Id-divulgazzjoni taċ-ċiberattakki u tad-dgħjufijiet tas-sistema huma essenzjali sabiex jiġu miġġielda ċ-ċiberattakki b'mod partikolari meta jiġu indirizzati l'hekk imsejħa zero-day attacks jiġifieri varjetajiet ġodda ta' attakki mhux magħrufa fil-komunità taċ-ċibersigurtà. Madanakollu l-intrapriżi ħafna drabi ma jiġbdux attenzjoni lejn iċ-ċiberattakki għal biżgħat dwar ir-reputazzjoni u r-responsabbiltà għal danni. Dan jaffettwa l-kapaċità tal-Ewropa li tirrispondi malajr u b'mod effettiv għat-theddid taċ-ċibersigurtà u ttejjeb iċ-ċibersigurtà ġenerali permezz tal-iskambju tal-għarfien.

3.9

Iċ-ċittadini u n-negozji jixtru l-aċċess għall-internet u s-servizzi mingħand l-ISP. Peress li dawn għandhom rwol kritiku fil-provvista tas-servizzi online huwa importanti ħafna li l-IPS jipprovdu l-ogħla livell possibbli ta' protezzjoni miċ-ċiberattakki lill-konsumaturi tagħhom. Barra milli jiżguraw li s-servizzi u l-infrastruttura tagħhom hija mfassla u miżmuma sabiex tipprovdi l-ogħla livelli ta' ċibersigurtà, l-ISPs għandhom jipprovdu wkoll pariri ta' livell għoli dwar iċ-ċibersigurtà lill-konsumaturi tagħhom u għandu jkollhom protokoll speċjali li jidentifika u jiġġieled iċ-ċiberattakki fuq il-konsumaturi hekk kif iseħħu. Din ir-responsabbiltà għandha tiġi definita u ankrata fil-leġislazzjoni fil-livell Ewropew.

3.10

Importanti ħafna għall-ekonomija tal-UE li tiżdied l-adozzjoni tal-cloud computing fost iċ-ċittadini u l-intrapriżi tal-UE (3). Hija u tiżdied id-dipendenza fuq il-cloud computing għal applikazzjonijiet personali u kummerċjali, huwa importanti li l-Ewropa tiżgura ċ-ċibersigurtà tal-provvedituri tas-servizzi cloud. Inċertezza fir-rigward tas-sigurtà tas-servizzi cloud qed ikollha impatt negattiv fuq ir-rata tal-adozzjoni li biha qed tiġi adottata din it-teknoloġija dinamika. Il-Kumitat jixtieq li l-UE timponi rekwiżiti u obbligi speċjali tas-sigurtà fuq il-provvedituri tas-servizzi cloud sabiex tappoġġja t-tkabbir tal-cloud computing fl-Ewropa.

3.11

Jeħtieġ li jsiru sforzi speċjali biex jiġu impjegati nies fl-industrija Ewropea taċ-ċibersigurtà. Id-domanda għal impjegati gradwati fil-qasam tas-sigurtà tal-informazzjoni mistennija tikber b'iktar mir-rata doppja ta' żieda fl-industrija sħiħa tal-computers. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għas-suċċess tal-''kompetizzjonijiet'' fl-Istati Uniti u f’xi Stati Membri fis-sensibilizzazzjoni dwar is-sigurtà ċibernetika u t-trawwim tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ professjonisti fil-qasam.

3.12

Waħda mill-aqwa strateġiji ta' protezzjoni miċ-ċiberattakki hija approċċ ibbażat fuq id-disinn, billi jiġi żgurat li t-teknoloġiji u s-servizzi kollha li jintużaw fl-Ewropa għall-konnettività tal-internet u s-servizzi online jitfasslu b'mod li jipprovdu l-ogħla livell possibbli ta' sigurtà miċ-ċiberattakki. Kunsiderazzjonijiet ta' disinn għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq l-interfaċċja bejn il-magna u l-bniedem. Dan jinvolvi kollaborazzjoni bejn min jagħmel it-teknoloġija, il-provvedituri tas-servizz tal-internet, l-industrija taċ-ċibersigurtà, l-EC3, l-ENISA, id-difiża nazzjonali u l-aġenziji tas-sigurtà tal-Istati Membri u ċ-ċittadini. L-organizzazzjoni ta' dan l-approċċ tad-disinn lejn iċ-ċibersigurtà tista' ssir fil-livell tal-UE mill-Kummissjoni u tiġi koordinata pereżempju mill-ENISA.

4.   Il-politika taċ-ċibersigurtà tal-UE

4.1

L-UE qed tiżviluppa strateġija komprensiva (4) sabiex iżżid iċ-ċibersigurtà taċ-ċittadini tal-Ewropa:

Il-pilastru tal-Fiduċja u s-Sigurtà tal-Aġenda Diġitali jinkludi 14-il azzjoni mmirata lejn żieda fiċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data.

Id-Direttiva dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni (5) li għandha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-4 ta' Settembru 2015 tistabbilixxi istruzzjonijiet rigward id-definizzjonijiet tal-atti kriminali fil-qasam u s-sanzjonijiet għal min jinstab ħati.

Sabiex jiżdied l-għarfien dwar iċ-ċibersigurtà u tiġi faċilitata l-kollaborazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri, l-UE saħħet il-mandat tal-ENISA.

L-EC3 inħoloq bħala parti mill-Europol sabiex tiġi indirizzata ċ-ċiberkriminalità.

Din l-inizjattiva ta' politika dwar Protezzjoni tal-Infrastruttura tal-Informazzjoni Kritika tiffoka fuq il-protezzjoni tal-Ewropa minn ostakli ċibernetiċi inklużi l-attakki billi ttejjeb iċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza fl-UE.

L-Istrateġija għal Internet Aħjar għat-Tfal timmira li toħloq ambjent sikur għat-tfal fuq l-internet u li tiġġieled kontra kontenut tal-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet u l-isfruttament sesswali tat-tfal.

Id-Direttiva proposta dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (NIS) titlob li l-Istati Membri jistabbilixxu sett ta' kapaċitajiet pereżempju skwadra ta' rispons f'emerġenza relatata mal-kompjuters (CERT). Hija tispeċifika wkoll is-sigurtà tan-netwerk u obbligi ta' rapportar għall-iktar provvedituri importanti tal-infrastruttura.

4.2

Il-KESE rreaġixxa b'mod kritiku għall-proposta għal Direttiva dwar in-NIS (6) billi jqis li l-miżuri proposti huma wisq dgħajfa u ma jimbuttawx lill-Istati Membri biżżejjed biex iħarsu liċ-ċittadini u n-negozji tagħhom miċ-ċiberattakki. Madanakollu l-Parlament huwa u jadotta d-Direttiva kompla dgħajjef l-użu tagħha billi llimitah għall-provvedituri tal-infrastruttura kritika u b'hekk elimina l-applikazzjoni għall-magni tat-tiftix, pjattaformi tal-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali, portali ta' ħlas bl-internet u provvedituri tas-servizzi cloud.

4.3

Id-Direttiva proposta tan-NIS mhux ser tkun biżżejjed biex tipprovdi l-leġislazzjoni li hemm bżonn sabiex ittejjeb l-għarfien u r-rispons lejn iċ-ċiberattakki fl-Unjoni. Il-Kumitat jixtieq li titnieda leġislazzjoni ġdida bl-obbligu tan-notifika tal-inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà u mhux għall-provvedituri tal-infrastruttura kritika biss. In-nuqqas ta' obbligu ta' notifika jgħin liċ-ċiberkriminali japrofittaw mill-injoranza tal-vittmi vulnerabbli.

4.4

L-UE għandha tikkunsidra li tespandi l-mandat tal-ENISA sabiex issaħħaħ l-għarfien dwar it-theddida taċ-ċiberattakki u r-rispons fl-Unjoni. Ir-rwol tal-ENISA jista' jiġi estiż sabiex tittieħed responsabbiltà iktar diretta tal-edukazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u programmi ta' sensibilizzazzjoni mmirati b'mod partikolari lejn iċ-ċittadini u l-SMEs.

4.5

L-EC3 ġie stabbilit fil-Europol fl-2013 sabiex tiżdied il-kapaċità tal-Ewropa li tiġġieled iċ-ċiberkriminalità. L-EC3 huwa portal ċentrali fl-Ewropa għall-intelligence kriminali u jappoġġja l-azzjonijiet u l-investigazzjonijiet tal-Istati Membri u taċ-ċiberattakki. Madanakollu fl-ewwel rapport annwali l-EC3 twissi li r-riżorsi attwali tagħha diġà qed jillimitaw il-progress tal-investigazzjonijiet u li l-EC3 mhux ser tkun kapaċi tkampa mal-livell li jitolbu l-investigazzjonijiet il-kbar li qed jidħlulha.

4.6

L-UE għandha titlob lill-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej – CEN, CENELEC u ETSI – jiżviluppaw standards taċ-ċibersigurtà għal kwalunkwe software jew hardware tal-ICT jew servizzi bbażati fuq l-internet għall-bejgħ fl-UE. Dawn l-istandards għandhom jiġu aġġornati kontinwament biex jieħdu kont ta' forom ġodda ta' theddid.

4.7

Hemm bżonn ta' leġislazzjoni li tobbliga lill-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet jirrapurtaw inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà mhux biss għall-provvedituri ta' infrastruttura kritika biss. Dan iżid ir-rispons lejn theddid reali kif ukoll iżid l-għarfien u l-fehim taċ-ċiberattakki li qed jiġu ripetuti b'hekk jgħin lill-awtoritajiet, l-industrija tas-sigurtà, l-intrapriżi u ċ-ċittadini jtejbu ċ-ċibersigurtà tagħhom u jiġġielu dan it-theddid. Sabiex tħeġġeġ l-iskambju ta' informazzjoni dwar iċ-ċiberattakki, kwalunkwe leġislazzjoni għandha tipprovdi anonimità lill-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet li jirrappurtaw attakk. Fejn hemm bżonn, għandha titqies ukoll id-dispożizzjoni tal-protezzjoni tar-responsabbiltà.

4.8

Minkejja l-inizjattivi tal-UE, l-Istati Membri għandhom livelli differenti ħafna ta’ kapaċitajiet u tħejjija, li jwasslu għal approċċi frammentati madwar l-UE. Billi n-netwerks u s-sistemi huma marbuta, l-Istati Membri b'approċċ dgħajjef ħafna lejn iċ-ċibersigurtà jdgħajjfu l-kapaċità ġenerali tal-UE li tindirizza ċ-ċiberattakki. Hemm bżonn ta' azzjoni li tgħin lill-Istati Membri jilħqu l-livell aċċettabbli ta' ċibersigurtà. Hemm bżonn ta' attenzjoni speċjali li tiżugra li kull Stat Membru għandu skwadra ta' rispons f'emerġenza relatata mal-kompjuters (CERT) li tiffunzjona b'mod sħiħ.

4.9

Kif afferma fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu (7), il-Kumitat jemmen li l-miżuri volontarji ma jaħdmux u li biex tiżdied il-protezzjoni tal-UE miċ-ċiberattakki, hemm bżonn ta' obbligi regolatorji b'saħħithom għall-Istati Membri li jiżguraw l-armonizzazzjoni, il-gvernanza u l-infurzar taċ-ċibersigurtà Ewropea.

4.10

Biex nikkonkludu, sabiex tkun f'pożizzjoni li tipprovdi ħarsien reali u aġġornat liċ-ċittadini u lin-negozji miċ-ċiberattakki, il-politika taċ-ċibersigurtà tal-UE għandha tiffoka fuq dawn l-azzjonijiet:

tmexxija soda tal-UE li tistabbilixxi l-politiki, il-liġijiet u l-istituzzjonijiet sabiex jiġu appoġġjati livelli għolja ta' ċibersigurtà fl-Unjoni;

politiki taċ-ċibersigurtà li jtejbu s-sigurtà individwali u kollettiva filwaqt li jħarsu d-drittijiet tal-privatezza u valuri u libertajiet fundamentali oħra taċ-ċittadini.

għarfien mifrux fost iċ-ċittadini kollha tar-riskji tal-internet u inkoraġġiment biex jadottaw aproċċ proattiv lejn il-ħarsien tat-tagħmir, identità, privatezza u tranżazzjonijiet diġitali tagħhom;

gvernanza komprensiva min-naħa tal-Istati Membri kollha sabiex jiżguraw li l-infrastruttura kritika tal-informazzjoni tkun sikura u reżiljenti;

azzjoni infurmata u responsabbli min-naħa tal-intrapriżi kollha biex jiżguraw li s-sistemi tal-ICT tagħhom huma sikuri u reżiljenti biex iħarsu l-operati u tagħhom u l-interessi tal-klijenti tagħhom;

approċċ proattiv tal-ISPs lejn il-protezzjoni tal-konsumaturi tagħhom miċ-ċiberattakki;

approċċ ta' sħubija profonda lejn iċ-ċibersigurtà fl-UE bejn il-gvernijiet, is-settur privat u ċ-ċittadini, fil-livelli strateġiċi u operattivi;

approċċ ibbażat fuq id-disinn sabiex tiġi stabbilita ċ-ċibersigurtà huma u jiġu żviluppati t-teknoloġiji u s-servizzi tal-internet;

livelli adegwati ta' investiment fl-għarfien taċ-ċibersigurtà u l-iżvilupp tal-ħiliet sabiex tikber forza tax-xogħol tajba fil-qasam taċ-ċibersigurtà;

standards tekniċi taċ-ċibersigurtà tajbin u biżżejjed investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' industrija tajba ta' ċibersigurtà u soluzzjonijiet globali;

impenn internazzjonali attiv ma' pajjiżi li mhumiex membri fl-UE sabiex tiġi żviluppata politika globali koordinata u rispons lejn theddid taċ-ċibersigurtà.

Brussell, 10 ta' Lulju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 40; ĠU C 76, 14.3.2013, p. 59

(2)  ĠU C 97, 28.4.2007, p. 21;

ĠU C 175, 28.7.2009, p. 92;

ĠU C 255, 22.9.2010, p. 98;

ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58;

ĠU C 107, 6.4.2011, p. 58;

ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90;

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 130;

ĠU C 24, 28.1.2012, p. 40;

ĠU C 229, 31.7.2012, p. 1;

ĠU C 351, 15.11.2012, p. 73;

ĠU C 76, 14.3.2013, p. 59;

ĠU C 271, 19.9.2013, p. 127;

ĠU C 271, 19.9.2013, p. 133.

(3)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 40; ĠU C 76, 14.3.2013, p. 59.

(4)  JOIN/2013/01 final.

(5)  ĠU L 218, 14/08/2013, p. 8–14.

(6)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 133.

(7)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 98; ĠU C 218, 23.7.2011, p. 130;; ĠU C 271, 19.9.2013, p. 133.


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Intejbu t-trasparenza u l-inklużività tal-proċess ta' adeżjoni mal-UE”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2014/C 451/06)

Relatur

:

is-Sinjura ŠKRABALO

Fis-sessjoni plenarja tat-22 ta' Jannar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Intejbu t-trasparenza u l-inklużività tal-proċess ta' adeżjoni mal-UE

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta' Lulju 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’132 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Minkejja li forsi mhijiex l-aktar qasam popolari tal-politika tal-UE, il-politika tat-tkabbir tal-UE hija fost l-aktar proġetti politiċi li rnexxew tal-UE. F'dawn l-aħħar snin sar ċertu titjib fit-trasparenza u l-inklużività tal-proċess tal-adeżjoni, kif qed jidher fil-proċessi li għaddejjin bħalissa fis-Serbja u l-Montenegro. Iċ-ċaqliqa strateġika tal-istituzzjonijiet tal-UE lejn il-prinċipji fundamentali – l-istat tad-dritt u l-governanza ekonomika – toħloq opportunità biex titrawwem id-demokrazija parteċipattiva mill-qalba tal-politika tat-tkabbir b'mod ġenerali, minflok b'mod parallel magħha.

1.2

Madanakollu, hemm bosta sfidi għall-ġejjieni. Hemm bżonn ta' konsistenza akbar biex jiġi żgurat li kemm l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll il-gvernijiet ikkonċernati jadottaw approċċ trasparenti u inklużiv tul il-proċess tal-adeżjoni kollu, fl-oqsma ta' politika kollha, kif ukoll fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali kollha. Hemm bżonn ta' integrazzjoni tal-politika b'mod aktar strett fir-rigward (1) tan-negozjati nnifishom, (2) tat-trawwim tal-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u tad-djalogu soċjali, u (3) tal-bini tal-kapaċità istituzzjonali, li kollha kemm huma għandhom ikunu riflessi aħjar fl-iffinanzjar tal-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni.

1.3

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropew u lill-Parlament Ewropew biex:

Iżidu b'mod sostanzjali l-appoġġ finanzjarju tagħhom għall-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali u għall-iżvilupp tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tal-adeżjoni, kif ukoll għat-tisħiħ tal-professjonaliżmu u l-indipendenza tal-mezzi tax-xandir.

Iħeġġu kemm djalogu soċjali kif ukoll djalogu ċivili aktar qawwijin fil-pajjiżi tat-tkabbir u li jorbtuh aktar mill-qrib mal-proċess tal-adeżjoni.

Iżidu l-isforzi ta' komunikazzjoni tagħhom biex jispjegaw il-benefiċċji u l-isfidi tal-politika tat-tkabbir liċ-ċittadini tal-UE, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Jiżvelaw id-dokumenti ewlenin kollha tan-negozjati tal-adeżjoni, i.e. r-rapporti ta' eżami analitiku (screening), it-traduzzjonijiet tal-acquis tal-UE u l-livelli ta' referenza għall-ftuħ u l-għeluq, u biex dawn id-dokumenti jiġu ppubblikati fuq il-websajts tad-Delegazzjonijiet tal-UE.

Idaħħlu obbligu għall-pajjiżi involuti fil-proċess tal-adeżjoni biex jadottaw u jimplimentaw leġislazzjoni dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni, il-konsultazzjonijiet pubbliċi, u jiżguraw li dan ikun parti integrali mill-proċess tal-monitoraġġ tal-progress.

Japplikaw il-Linji Gwida tad-DĠ Tkabbir għall-appoġġ tal-UE għas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tat-tkabbir 2014-2020 (1) bl-istess mod fil-pajjiżi kollha involuti fil-proċess tal-adeżjoni u jirrevedu dawn il-linji gwida sabiex jindirizzaw f'aktar dettall l-isfidi speċifiċi li qed jiffaċċjaw l-imsieħba soċjali fil-kuntest tad-djalogu soċjali.

Jimmiraw li jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tad-DĠ Tkabbir għall-appoġġ tal-UE għal-libertà tal-mezzi tax-xandir u l-integrità tagħhom fil-pajjiżi tat-tkabbir 2014-2020 (2);

1.4

Il-KESE jirrakkomanda lill-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi li qed jinnegozjaw biex:

Jadottaw u jippubblikaw politika bil-miktub dwar l-aċċess u l-iżvelar ta' informazzjoni marbuta man-negozjati, sabiex jiżguraw li:

l-istrutturi, il-proċeduri u l-kalendarji tan-negozjati jkunu trasparenti u disponibbli għall-pubbliku;

il-pożizzjonijiet nazzjonali tan-negozjati jkunu disponibbli għall-membri tal-parlament u li almenu t-taqsiriet tagħhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Jistiednu rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u anke lill-imsieħba soċjali, biex jieħdu sehem fil-gruppi ta' esperti, il-gruppi ta' ħidma dwar il-kapitoli u l-laqgħat kollha tat-tim ċentrali tan-negozjati kull meta jiġu affettwati minn kwistjonijiet tal-adeżjoni.

Jiddefinixxu l-prijoritajiet nazzjonali tagħhom qabel il-bidu tal-proċess tan-negozjati sabiex jgħinu lit-tim ċentrali tan-negozjati jiddefendi l-oqsma ta' prijorità b'mod aktar effettiv u b'hekk jikseb riżultati aħjar fin-negozjati.

Iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt regolatorji (VIR) meta jkunu qed iħejju l-pożizzjonijiet nazzjonali tan-negozjati u l-armonizzazzjoni legali sabiex jidentifikaw ir-riskji ta' aġġustament; jinvolvu lil atturi mhux statali, inkluż lill-komunità kummerċjali, lit-trejdjunjins u lir-rappreżentanti ta' gruppi soċjali milquta meta jwettqu l-VIR.

Jinvolvu lill-imsieħba soċjali u lill-assoċjazzjonijiet tan-negozji aktar mill-qrib fil-governanza ekonomika u r-riformi tas-suq tax-xogħol u fl-ikkalkolar tal-ispejjeż soċjali u ekonomiċi tal-armonizzazzjoni, filwaqt li jiżguraw li jitqiesu l-kwistjonijiet tal-koeżjoni soċjali u l-kompetittività.

Jinvolvu lill-kunsilli ekonomiċi u soċjali fl-ipprogrammar tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni maħsuba biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-imsieħba soċjali.

Jinkludu lill-imsieħba soċjali u lil partijiet interessati rilevanti oħra, bħall-assoċjazzjonijiet tan-negozji fl-għajnuna teknika u fl-iskemi ta' finanzjament disponibbli għas-soċjetà ċivili.

Jiżguraw li l-parlamenti nazzjonali jaqdu rwol proattiv, deliberattiv u superviżorju fil-proċess tal-adeżjoni b'mod strateġiku u fil-ħin.

Meta jagħżlu l-kandidati, iIżommu lura milli jirrikorru għal nomini diretti għal kumitati konsultattivi konġunti u minflok jużaw proċeduri inklużivi u trasparenti li jinvolvu lill-kunsilli ekonomiċi u soċjali u lill-korpi konsultattivi nazzjonali għas-soċjetà ċivili .

1.5

Rakkomandazzjonijiet għall-KESE:

Il-Kumitati Konsultattivi Konġunti għandhom jippruvaw jimlew in-“niċeċ vojta” li mhumiex koperti minn korpi oħra fil-proċess tan-negozjati u jiffukaw fuq għadd limitat ta' oqsma, b'mod partikolari l-erba' temi ġenerali tal-istrateġija ta' tkabbir attwali – l-istat tad-dritt, il-governanza ekonomika, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi u tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll it-titjib tad-djalogu kemm ċivili kif ukoll soċjali.

Il-Kumitati Konsultattivi Konġunti għandhom jilħqu kemm jista' jkun il-partijiet interessati nazzjonali u ta' livelli oħra, permezz ta' seduti pubbliċi, konsultazzjonijiet onlajn, u l-kooperazzjoni ma' konsulenti nazzjonali TACSO (3) u proġetti ta' monitoraġġ tal-politika ewlenin.

L-iskambju tal-informazzjoni għandu jitjieb bejn il-Kumitati Konsultattivi Konġunti u l-korpi rilevanti tal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tat-tkabbir.

Għandhom jittieħdu miżuri urġenti sabiex jitħeġġeġ u jiġi faċilitat bilanċ aħjar bejn is-sessi tal-membri tal-KESE li jservu fuq il-Kumitati Konsultattivi Konġunti.

2.   Karatteristiċi u bidliet ewlenin fil-politika tat-tkabbir tal-UE f'dawn l-aħħar ħames snin

2.1

Filwaqt li hemm dubji dwar uħud mill-effetti fit-tul tagħha fuq is-soċjetà u l-politika, jidher ċar li l-politika tat-tkabbir tal-UE kienet strumentali biex jitħaffef il-pass tal-bidliet fl-istrutturi tal-governanza nazzjonali lejn l-ekonomiji tas-suq u d-demokraziji, kif ukoll biex titrawwem il-kooperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent ta' wara l-gwerra. F'termini tal-ambitu tan-negozjati tal-adeżjoni tal-UE, il-perjodi ta' tranżizzjoni għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE huma kruċjali, kif inhuma wkoll l-ispejjeż finanzjarji relatati, kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi kandidati. Peress li l-ftuħ u l-għeluq ta' kull kapitolu tan-negozjati huwa soġġett għal vot unanimu fil-Kunsill, il-pass u ż-żmien li jieħdu n-negozjati ma tantx jistgħu jitbassru fid-dawl tal-impatt potenzjali tal-politika nazzjonali fi Stat Membru wieħed jew aktar.

2.2

L-UE wriet li hija miftuħa għal titjib u aġġustamenti tal-proċess tan-negozjati skont iċ-ċirkostanzi politiċi li qed jinbidlu. Huwa importanti li jiġi nnutat li l-metodoloġija tan-negozjati attwali evolviet ħafna matul is-snin, abbażi ta' approċċ ta' “nitgħallmu bil-prattika”.

2.3

Kif dikjarat fl-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2013-2014  (4) tal-Kummissjoni, “tagħlima importanti mill-passat hija l-importanza li jiġu indirizzati l-affarijiet fundamentali l-ewwel u qabel kollox”, billi nibdew bl-istat tad-dritt, li tqiegħed “fil-qalba tal-proċess tat-tkabbir”. Dan jirrappreżenta bidla strateġika sinifikanti minn aġġustamenti speċifiċi tal-politika lejn it-tema wiesgħa tal-governanza demokratika, finalment mifhuma bħala prerekwiżiti għal armonizzazzjoni tal-politika sinifikanti u sostenibbli mal-acquis tal-UE. Għaldaqstant, matul in-negozjati tal-adeżjoni li għaddejjin bħalissa (il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija), il-Kummissjoni beħsiebha żżomm il-Kapitoli 23 (Il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali,) u 24 (Il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà) miftuħin tul in-negozjati tal-adeżjoni, fejn il-pass tan-negozjati jista' anke jiddependi mill-progress li jsir f'dawn iż-żewġ kapitoli kruċjali.

2.4

Minn naħa, il-bidliet fil-metodoloġija tan-negozjar użata fil-proċess tal-adeżjoni huma indikazzjoni tal-flessibbiltà u l-interess ġenwin tal-UE biex tiżgura li n-negozjati jkunu effettivi. Iż-żieda fl-attenzjoni għal tkabbir “ibbażat fuq l-evidenza” saħħet il-pożizzjoni ta' atturi mhux statali, li l-informazzjoni indipendenti tagħhom hija prezzjuża għall-valutazzjonijiet regolari li jsiru mill-Kummissjoni fir-rapporti tagħha dwar il-progress. Min-naħa l-oħra, il-bidliet introdotti jistgħu jinħassu primarjament bħala riflessjoni tal-ħtieġa selettiva tal-UE għall-evidenza filwaqt li jinjoraw il-piżijiet amministrattivi li jimponu fuq il-pajjiżi li jkunu qed jinnegozjaw, sakemm ma jkunx hemm proċeduri ċari għall-ġbir tad-data u impenn mill-partijiet interessati.

2.5

Il-Qafas ta' Negozjar mas-Serbja  (5) huwa l-ewwel qafas ta' negozjar li jagħmel referenza espliċita għall-prinċipji tal-inklużività u t-trasparenza: “Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fil-proċess tat-tkabbir, id-deċiżjonijiet ser jittieħdu bl-aktar mod miftuħ possibbli sabiex jiġi żgurat li jkun hemm aktar trasparenza. Il-konsultazzjonijiet u d-deliberazzjonijiet interni ser jiġu protetti sal-punt meħtieġ sabiex jiġi ssalvagwardjat il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, f'konformità mal-leġislazzjoni tal-UE dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tal-UE.” Din hija tagħlima importanti li ħadna mill-każ tal-Kroazja – fejn in-nies li ħarġu jivvutaw għar-referendum tal-UE kien l-inqas li qatt kien hemm (43 %) – u tirrappreżenta pass lejn il-formalizzazzjoni ta' għadd ta' prattiki mtejba fil-każ tal-Montenegro.

2.6

L-enfasi aktar qawwija tal-UE fuq il-governanza ekonomika tipprevedi l-introduzzjoni ta' strateġiji nazzjonali għar-riformi ekonomiċi u pjani ta' azzjoni għall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, bit-tama li aktar informazzjoni fil-ħin u sorveljanza makroekonomika jistgħu jgħinu fil-prevenzjoni ta' riċessjoni ekonomika fit-tul u defiċit eċċessiv, li seħħew fil-Kroazja eżatt wara l-adeżjoni tagħha. Għaldaqstant, qed jiġi ppjanat li l-pajjiżi tat-tkabbir jgħaddu minn skrutinju li jixbaħ lil dak tal-Istati Membri tal-UE fis-“Semestru Ewropew”. Huwa essenzjali li niżguraw it-tħejjija f'waqtha tas-settur tan-negozji biex il-kumpaniji jiġu megħjuna jsiru aktar kompetittivi u jiffaċċjaw l-isfidi tas-suq uniku tal-UE, filwaqt li l-involviment tal-imsieħba soċjali huwa kruċjali biex ikun hemm valutazzjoni u qbil dwar id-dimensjoni soċjali tar-riformi ekonomiċi.

2.7

Skont il-Linji Gwida tad-DĠ Tkabbir għall-appoġġ tal-UE għal-libertà tal-mezzi tax-xandir u l-integrità tagħhom fil-pajjiżi tat-tkabbir 2014-2020  (6) , soċjetà ċivili fuq tagħha hija kruċjali biex jitħeġġu l-pluraliżmu u d-demokrazija parteċipattiva. L-appoġġ tal-UE għas-soċjetà ċivili għalhekk għandu jiffoka fuq (1) il-kisba ta' ambjent li jwassal għal attivitajiet tas-soċjetà ċivili u (2) il-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex ikunu jistgħu jiffunzjonaw bħala atturi indipendenti effettivi u responsabbli. Dawn il-linji gwida jidhru li huma għodda utli għall-integrazzjoni tas-soċjetà ċivili, sakemm l-implimentazzjoni tagħhom tkun konformi mal-livell ta' ambizzjoni tagħhom.

2.8

S'issa, il-politika tat-tkabbir ma rnexxilhiex twieġeb b'mod sħiħ għall-isfida li ċ-ċittadini tal-UE jiġu mgħarrfa dwar l-importanza vitali tagħha għas-sigurtà u l-prosperità tal-kontinent kollu, li tista' tgħin biex jitbiegħdu l-biżgħat ta' aktar tkabbir li jistgħu jinbtu maġenb suriet oħra ta' ksenofobija, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi ekonomika. Hekk kif il-memorji tal-gwerer tal-Balkani qed jegħbu, il-kriżi attwali fl-Ukraina tista' sservi ta' tfakkira li n-nuqqas ta' paċi u demokrazija jistgħu jaffettwawna kollha kemm aħna.

3.   Aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tan-negozjati

3.1

Minkejja li l-proċess tal-adeżjoni ma jipprevedix il-kundizzjonalità fil-qasam tat-trasparenza u l-inklużività, l-istennijiet tal-pubbliku f'dan il-qasam qed jiżdiedu f'dawk il-pajjiżi li qed jinnegozjaw l-adeżjoni tagħhom fl-UE. Fil-każ ta' Kroazja, kien hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar il-proċeduri tekniċi għan-negozjati: minkejja li kien ġie adottat protokoll dwar il-koordinazzjoni tal-politika interna dwar il-pożizzjonijiet tan-negozjati tal-UE, qatt ma kien ġie ppubblikat fil-gazzetta uffiċjali. Id-dokumenti kollha marbutin man-negozjati tal-UE li tħejjew mill-gvern Kroat, apparti l-abbozzi legali, ġew diskussi u adottati matul sessjonijiet tal-gvern li saru bil-magħluq. Dan fisser li l-pubbliku lanqas biss seta' jitlob għal dokumenti mhux klassifikati għax ma kien hemm l-ebda informazzjoni formali dwar l-eżistenza tagħhom. Kien hemm bżonn ta' diversi snin ta' pressjoni mis-soċjetà ċivili qabel ma l-gvern beda jippubblika informazzjoni bażika dwar id-dokumenti diskussi matul is-sessjonijiet.

3.2

Għal dak li għandu x'jaqsam mas-superviżjoni parlamentari, il-prattika tajba tas-Slovenja qatt ma kien hemm bħalha qabel – il-parlament nazzjonali kellu d-dritt tal-veto fuq il-pożizzjonijiet tan-negozjati (7), li ġew mgħarrfa wkoll lill-pubbliku. Filwaqt li l-Parlament Kroat aġixxa b'ħila bħala l-għassies tal-kunsens politiku matul sitt snin ta' negozjati kumplessi mal-UE, ma rnexxilux jiġbor l-impenn usa' tal-membri parlamentari, l-esperti u l-pubbliku ġenerali fid-deliberazzjonijiet ta' politika. Il-pożizzjonijiet u r-rapporti tan-negozjati kienu ristretti għal uffiċjali tal-gvern u gruppi magħżula ta' membri tal-Kumitat Nazzjonali għall-Monitoraġġ tan-Negozjati tal-Adeżjoni, u b'hekk tista' tgħid ġiet eskluża l-maġġoranza kbira tal-membri parlamentari, biex ma nsemmux il-pubbliku. Din is-sitwazzjoni m'għandix tintenn fiċ-ċikli tan-negozjati li jmiss.

3.3

L-analiżi f'waqtha mill-atturi mhux statali, mill-mezzi tax-xandir u l-monitoraġġ indipendenti tal-proċess tan-negozjati xxekklu wkoll mill-fatt li d-dokumenti mfasslin mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kunsill, bħall-Pożizzjonijiet Komuni tal-UE, ma kinux il-proprjetà tar-Repubblika tal-Kroazja. B'riżultat ta' dan, il-gvern Kroat stqarr li ma kellu l-ebda awtorità li jippubblikahom. Dan ġie akkumpanjat minn nuqqas ta' żvelar proattiv min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE (8).

3.4

Kien hemm titjib ċar fl-iżvelar ta' dokumenti relatati man-negozjati fil-każ tal-Montenegro. Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapporti ta' eżami analitiku kollha fuq il-websajt tagħha, li jistgħu jservu ta' għodod prezzjużi ta' analiżi għall-partijiet interessati kollha dwar in-nuqqas ta' konformità ta' leġislazzjoni nazzjonali mal-acquis tal-UE. Barra minn hekk, il-Kunsill ippubblika proattivament il-Pożizzjonijiet Komuni tal-UE għall-Kapitoli 23 u 24, fid-dawl tas-sinifikat u l-interess pubbliku fir-riformi involuti. Għad irridu naraw jekk din il-prattika tajba hux ser twassal għal politika li għandha tiġi segwita fil-każ tas-Serbja u t-Turkija jew rigward dawk il-kapitoli li nfetħu diġà. Barra minn hekk, m'hemmx raġuni formali għaliex il-Kunsill m'għandux ikun jista' jippubblika b'mod sħiħ il-livelli ta' referenza tal-ftuħ ladarba jkunu ġew approvati unanimament. L-aċċess fil-ħin għal dawn id-dokumenti ċentrali għan-negozjati huwa kruċjali biex is-soċjetà ċivili tkun tista' tagħti l-input u l-kontribut tagħha, biex il-mezzi tax-xandir ikunu jistgħu jirrapportaw b'mod infurmat u biex isir monitoraġġ indipendenti tal-azzjonijiet tal-gvernijiet biex jirrispettaw l-obbligi tagħhom.

3.5

Mit-tagħlim tagħha miċ-ċikli ta' tkabbir tal-passat, il-Kummissjoni saret aktar sensittiva għar-rwol vitali tal-mezzi tax-xandir indipendenti u professjonali, kif ġie enfasizzat mill-organizzazzjoni ta' żewġ konferenzi bl-isem ta' Speak-Up fl-2011 u l-2013 u mill-adozzjoni tal-Linji Gwida tad-DĠ Tkabbir għall-appoġġ tal-UE għal-libertà tal-mezzi tax-xandir u l-integrità tagħhom fil-pajjiżi tat-tkabbir 2014-2020, li għandhom iservu wkoll ta' bażi għall-allokazzjonijiet tal-fondi. Madanakollu waħda mill-isfidi li għad fadal hija kif jiġi żgurat li l-mezzi tax-xandir jilħqu lill-udjenzi bbażati fl-UE, li wkoll jeħtieġu jiġu mgħarrfa sew dwar is-sinifikat u d-dinamiċi tal-politika tat-tkabbir.

4.   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-adeżjoni

4.1

L-impenn tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-adeżjoni jikkonsisti fi: (1) involviment dirett fin-negozjati nfushom (i.e. eżami analitiku, tħejjija tal-pożizzjonijiet nazzjonali, superviżjoni tal-progress), (2) djalogu soċjali u ċivili dwar it-tfassil tal-politika u l-armonizzazzjoni leġislattiva mal-acquis, (3) sehem fl-ipprogrammar tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni, (4) monitoraġġ indipendenti tal-progress u l-effetti soċjali tal-proċessi ta' riforma. Il-prestazzjoni ta' dawn ir-rwoli titlob appoġġ finanzjarju adegwat, permezz ta' fondi mill-gvern nazzjonali u dawk ta' qabel l-adeżjoni tal-UE.

4.2

Il-gruppi ta' ħidma Kroati u Montenegrini għat-tħejjija tal-pożizzjonijiet tan-negozjati inkludew proporzjon għoli ta' esperti mis-soċjetà ċivili ('il fuq minn terz tal-membri kollha) Fiż-żewġ każijiet ġew organizzati sejħiet għall-applikazzjonjiet u l-ismijiet tal-membri kollha tal-gruppi ta' ħidma ġew ippubblikati. Madanakolu, fil-każ tal-Kroazja, l-ambitu tal-involviment iddependa ħafna fuq l-istil ta' tmexxija fi ħdan kull grupp: f'xi każijiet, il-membri tas-soċjetà ċivili ma kellhomx l-opportunità jaraw l-abbozzi tal-pożizzjonijiet meħtieġa. Minħabba dan, il-kontribut tas-soċjetà ċivili ngħata primarjament fil-fażi inizjali tal-eżami analitiku, b'impatt żgħir fuq it-tfassil tal-istrateġija tan-negozjar u l-valutazzjonijiet bikrin tal-ispejjeż u l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi.

4.3

L-istituzzjonijiet tal-UE pprovdew diversi mezzi għall-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili biex tinġabar l-evidenza dwar il-progress tar-riformi marbutin mal-adeżjoni, inkluża l-korrispondenza onlajn, il-konsultazzjonijiet annwali tas-soċjetà ċivili fi Brussell, laqgħat fil-pajjiżi, laqgħat ta' informazzjoni u avvenimenti pubbliċi matul żjarat minn uffiċjali tal-UE. Il-Kummissjoni kienet ukoll miftuħa għal rapporti ta' monitoraġġ indipendenti mħejjija minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Madanakollu, il-Kummissjoni kienet ħafna aktar proattiva lejn l-NGOs milli lejn it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tan-negozji. Dan joħroġ ċar kemm mil-livell ta' kuntatt kif ukoll mill-ambitu u l-għan tal-iskemi tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni għall-bini tal-kapaċità u l-monitoraġġ tal-politika.

4.4

Jekk inħarsu lura lejn il-proċess tal-adeżjoni tal-Kroazja, naraw li ntilfet opportunità biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali fil-pajjiż b'rabta mal-adeżjoni tiegħu mal-UE, li setgħet għenet biex jiġu żgurati kundizzjonijiet aktar effettivi u sostenibbli għas-sħubija tal-Kroazja fl-UE, kif ġara fil-Bulgarija. Il-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali ma ntużawx biżżejjed la biex jiġu diskussi l-ispejjeż ta' aġġustament soċjali u ekonomiċi u l-miżuri ta' appoġġ, u lanqas għall-ipprogrammar tal-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni. Proporzjon baxx ħafna tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni ġew diretti għat-tisħiħ tal-istrutturi tad-djalogu soċjali u l-kapaċitajiet organizzativi tal-imsieħba soċjali. L-istruttura kapillari tal-assoċjazzjonijiet tan-negozji u t-trejdjunjins għandhom jintużaw aktar bħala pjattaformi ċentrali għad-deliberazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-adeżjoni u t-tħejjija fil-ħin tal-ekonomija.

4.5

F'termini tat-tfassil tal-politika, fil-każ tal-Kroazja u b'konformità mat-tendenzi negattivi f'ċikli preċedenti tal-adeżjoni, 'il fuq minn 80 % tal-leġislazzjoni relatata mal-acquis għaddiet minn proċedura rapida (fast tracked), sikwit mingħajr konsultazzjoni pubblika, b'ambitu minimu għal valutazzjonijiet tal-impatt regolatorju, bi ħsara għall-kwalità u t-trasparenza tal-abbozzar tal-leġislazzjoni (9). Fuq nota aktar pożittiva, l-ippogrammar tal-Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) kien inklużiv, speċjalment rigward il-komponent tas-soċjetà ċivili, u kien immexxi mill-Kunsill għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili, b'appoġġ tekniku mill-Uffiċċju tal-Gvern għas-Soċjetà Ċivili. Dan wassal għall-iżvilupp ta' skemi ta' għotjiet rilevanti ħafna li appoġġjaw il-monitoraġġ indipendenti tal-politika f'diversi oqsma kritiċi ta' riforma u ppermetta l-intervent importanti ta' msieħba soċjali fl-allokazzjoni ta' fondi għat-tisħiħ tal-kompetenzi għad-djalogu soċjali. L-inkonsistenza deskritta hawn fuq bejn iż-żewġ proċessi, għandha tiġi evitata u l-approċċ inklużiv fit-tfassil tal-politika dejjem għandu jirbaħ fil-proċessi tal-adeżjoni li jmiss.

5.   Ir-rwol tal-KESE fl-iffaċilitar tal-impenn tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-adeżjoni

5.1

Il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-politika tat-tkabbir, u minħabba dan waqqaf kumitati konsultattivi konġunti li jgħaqqdu flimkien lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex ifasslu rakkomandazzjonijiet għall-awtoritajiet politiċi fuq iż-żewġ naħat u biex irawmu d-dibattitu pubbliku dwar l-integrazzjoni tal-UE fil-pajjiżi tat-tkabbir. Dawn l-istrutturi wasslu għal diskussjonijiet informati dwar in-negozjati, abbażi ta' diversi perspettivi, u għamluha possibbli li jiġu identifikati l-konsegwenzi tal-adozzjoni tal-acquis tal-UE għas-sezzjonijiet diferenti tas-soċjetà, b'appoġġ għall-impenn tas-soċjetà ċivili fil-proċess. Minbarra l-Kumitati Konsultattivi Konġunti, il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent iservi ta' pjattaforma reġjonali biex jindirizzaw l-awtoritajiet politiċi u jipprovdi opportunitajiet għan-netwerking fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Balkani tal-Punent, filwaqt li janalizza l-problemi ewlenin tas-soċjetà ċivili fir-reġjun.

5.2

Il-lista li ġejja fiha wħud mill-isfidi identifikati fil-ħidma tal-Kumitati Konsultattivi Konġunti:

il-gvernijiet għandhom tendenza jeżerċitaw wisq influwenza fuq il-proċessi tan-nomina tal-membri tal-Kumitati Konsultattivi Konġunti;

kien hemm interruzzjonijiet fil-ħidma u r-relazzjonijiet minħabba tibdil sinifikanti fil-membri tal-KESE fil-Kumitati Konsultattivi Konġunti individwali; fl-istess ħin, minkejja dan, in-nuqqas ta' tibdil ta' membri min-naħa tal-pajjiżi sħab seta' żamm milli jintlaħqu organizzazzjonijiet ġodda;

il-Kumitati Konsultattivi Konġunti għandhom kapaċitajiet organizzattivi limitati biex jilħqu ċirku usa' ta' organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili, barra l-bliet kapitali u ċ-ċentri urbani;

il-Kumitati Konsultattivi Konġunti għandhom tendenza jingaġġaw membri tal-KESE rġiel, b'medja li hija 78 % attwalment.

5.3

Iż-żieda fl-għarfien dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili u l-inklużjoni tal-imsieħba soċjali fil-proċess tal-adeżjoni kien missjoni u sfida għall-KESE. F'xi pajjiżi, il-gvernijiet kellhom attitudni negattiva lejn is-soċjetà ċivili u, b'riżultat ta' dan, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitati Konsultattivi Konġunti ftit li xejn sabu appoġġ. Madanakollu, il-Kumitati Konsultattivi Konġunti ħolqu opportunitajiet għal skambji diretti bejn is-soċjetà ċivili, l-UE u l-uffiċjali u l-politiċi nazzjonali, anke jekk ftit li xejn kellhom impatt fuq il-politiki tal-gvern. Jekk inżommu dan f'moħħna, il-Kumitati Konsultattivi Konġunti jibbenefikaw bil-bosta minn appoġġ aktar qawwi u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-PE, u b'hekk jiżguraw li t-tħassib prinċipali dwar ir-realtajiet nazzjonali tal-adeżjoni, li joħroġ mid-djalogu ċivili u soċjali fil-pajjiżi, ikun jista' jingħata widen fl-oqsma rilevanti kollha tat-tfassil tal-politika.

Brussell, 10 ta' Lulju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  http://ec.europa.eu/enlargement/pdf/civil_society/doc_guidelines_cs_support.pdf

(2)  http://ec.europa.eu/enlargement/pdf/press_corner/elarg-guidelines-for-media-freedom-and-integrity_210214.pdf

(3)  TACSO huwa proġett finanzjat mill-UE għall-assistenza teknika għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tat-tkabbir: http://www.tacso.org/

(4)  COM(2013) 700 final.

(5)  http://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=EN&t=PDF&gc=true&sc=false&f=AD%201%202014%20INIT.

(6)  Ara in-nota f'qiegħ il-paġna 2.

(7)  http://www.ijf.hr/eng/EU4/marsic.pdf

(8)  Fil-prattika, il-Kunsill irrilaxxa dokumenti relatati mal-adeżjoni meta ntalbu, wara l-estrazzjoni ta' informazzjoni sensittiva relatata l-aktar mal-pożizzjonijiet u d-dokumenti proprjetà tal-Istati Membri, bl-argument li jeħtieġu konsultazzjonijiet intergovernattivi u jolqtu r-relazzjonijiet internazzjonali, b'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta' Mejju 2001. Il-politika ta' klassifikazzjoni tal-Kunsill tillimita wkoll l-aċċess lill-Parlament Ewropew għal informazzjoni marbuta mal-adeżjoni, fejn kmamar speċjali huma merfugħa apposta għall-ħażna u l-analiżi ta' dokumenti klassifikati.

(9)  Valutazzjoni SIGMA, Kroazja, Mejju 2011.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Il-500 sessjoni plenarja tal-KESE tad-9 u l-10 ta' Lulju 2014

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE”

COM(2014) 43 final – 2014/0020 (COD)

(2014/C 451/07)

Relatur:

is-Sur IOZIA

Nhar il-25 ta’ Frar 2014 u nhar is-27 ta’ Marzu 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE

COM(2014) 43 final – 2014/0020 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’97 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja bil-qawwi r-riforma strutturali tas-sistema bankarja, għax iqis li r-riforma hija dik ewlenija fost il-ħafna miżuri leġislattivi li tħejjew b'segwitu għall-kriżi finanzjarja. Il-KESE jenfasizza l-fatt li permezz ta' din ir-riforma, għall-ewwel darba se tiġi regolata s-sistema bankarja mill-għeruq tagħha u l-unjoni bankarja se tiġi kkompletata. Barra minn hekk tista' tagħti kontribut importanti biex terġa' tidħol il-fiduċja fost in-negozji u l-pubbliku, u fl-interessi ta' finanzjament adatt għall-ekonomija, biex tissaħħaħ is-sistema bankarja Ewropea u jitnaqqas ir-riskju ta' kontaġju.

1.2

Il-KESE huwa konvint dwar il-ħtieġa ta' dan ir-Regolament li se jerġa' jiddefinixxi mill-ġdid il-ġestjoni tal-kumplessità ta' servizzi bankarji u finanzjarji. Għall-Kumitat jidher ċar li r-Regolament propost mhux se jkun biżżejjed biex tiġi evitata kriżi oħra. Tinħtieġ bidla kbira fil-kultura finanzjarja u tħaddin tal-prinipji etiċi fl-attivitajiet ta' kuljum tas-settur finanzjarju. Il-partijiet interessati kollha għandhom jiġu involuti fit-tfassil ta' sistema finanzjarja u ekonomika ġdida sabiex jinħoloq settur finanzjarju sostenibbli u reżiljenti u biex jinstab bilanċ bejn l-interessi ta' dawk kollha konċernati bl-aħjar mod possibbli. Għal dan il-għan il-KESE huwa favur u jinkoraġġixxi li jsir ftehim kbir għar-rilanċ tal-ekonomika u biex terġa' tinkiseb il-fiduċja fl-Istituzzjonijiet finanzjarji, u jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi Patt Soċjali Ewropew għal Finanzji Sostenibbli. Il-ħaddiema, l-amministrazzjoni, l-investituri, il-familji, l-SMEs, l-industriji u l-konsumaturi kummerċjali għandhom isibu qbil stabbli u ġust sabiex tinħoloq industrija tas-servizzi finanzjarji mfassla biex tiżviluppa l-ġid, tappoġġja l-ekonomija reali, it-tkabbir u l-impjiegi tajba, u biex tirrispetta l-ambjent u tevita konsegwenzi soċjali negattivi u mhux mixtieqa.

1.3

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata konsistenza fil-kriterji ta' valutazzjoni użati mill-awtoritajiet nazzjonali u jirrakkomanda li r-regolamentazzjoni tiġi applikata b'mod uniformi fil-livell Ewropew u possibilment bi qbil mal-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi terzi.

1.4

Il-KESE għandu dubji dwar id-deċiżjoni li tiġi permessa l-koeżistenza ta' regolamenti nazzjonali differenti u, fl-istess ħin, oħrajn Ewropej. Il-KESE huwa tal-fehma li dan il-qafas kif inhu mfassal, jista' ma jiżgurax l-applikazzjoni uniformi tar-regoli l-ġodda. Jifhem li din id-deroga kienet intenzjonata biss għal-leġislazzjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-proposta għal Regolament, sabiex tiġi żgurata ekwivalenza sħiħa mar-Regolament inkwistjoni.

1.5

Il-KESE jemmen li r-Regolament propost mill-Kummissjoni huwa rispons validu u effiċjenti maħsub biex jifred l-attivitajiet bankarji kummerċjali minn dawk ta' investiment. Fil-fatt, is-soluzzjoni magħżula, meta mqabbla ma' alternattivi li ntagħżlu f'diversi pajjiżi, hija bbażata fuq proċess ta' djalogu u ta' valutazzjoni li ma jmurx kontra l-mudell bankarju universali, għax jippreservah u jippermetti li tittieħed azzjoni biss fuq riskji eċċessivi assoċjati ma' dan il-mudell.

1.6

Il-KESE jisħaq li l-impatt tal-leġislazzjoni proposta fuq l-impjiegi ma tqisx biżżejjed. Mijiet ta' eluf ta' impjiegi jistgħu jintilfu minħabba r-Regolament dwar is-servizzi finanzjarji u mhuwiex aċċettabbli li ma ġiet ippjanata ebda miżura biex jitnaqqas l-impatt soċjali sostanzjali dirett jew indirett. Dan ir-Regolament jista' jikkawża impatt dirett limitat, iżda l-effetti li jista' jkollu fuq l-assi tal-kumpaniji se jħallu impatt fuq is-sistema finanzjarja kollha. Mill-banda l-oħra tajjeb wieħed jagħraf li r-riskju baxx tal-banek se jkun ta' benefiċċju għall-ekonomija reali b'mod ġenerali, u bla dubju b'effetti pożittivi fuq l-impjieg b'mod ġenerali.

1.7

Hemm tħassib serju li l-ispejjeż jistgħu jiġu mgħoddija lill-ħaddiema. Għalkemm il-Kummissjoni qieset dan l-aspett fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, jidher li fir-riforma ftit iddedikat spazju għal din il-kwistjoni. Minkejja li huwa minnu li l-attivitajiet kkonċernati mir-riforma jirrikjedu l-inqas numru ta' ħaddiema, l-effetti indiretti tar-riforma se jġibu politiki ta' tnaqqis tal-ispejjeż li jistgħu jwasslu għal aktar tnaqqis ta' impjiegi, kif tħabbar minn istituzzjonijet bankarji importanti.

1.8

Il-partijiet interessati huma ħafna (lobbies finanzjarji, Stati Membri kbar, konsumaturi u investituri, familji, intrapriżi kbar u żgħar, assoċjazzjonijiet...) u l-interessi tagħhom ivarjaw ħafna. It-tagħlima li tasal mill-passat, fiż-żmien meta kienu japplikaw ir-regoli tas-sistema finanzjarja, issa għandha tkun ċara: huwa l-interess pubbliku li għandu jieħu preċedenza. Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li tinbidel ir-rotta u li għandna nħarsu lejn l-interess komuni bħala ċ-ċentru ta' preċedenza, b'mod li tibbilanċja l-interessi tal-partijiet interessati kollha, għaliex huwa konvint li dan huwa l-uniku mod li bih ir-riforma tista' tiffunzjona b'mod effettiv.

1.9

Il-KESE jinsab konvint li sabiex tiġi żgurata sistema finanzjarja sostenibbli, neħtieġu “finanzi li jafu jistennew” li ma jfittxux qligħ fuq perjodu ta' żmien qasir akkost ta' kollox u li jagħtu prijorità lill-effiċjenza u l-istabilità fuq żmien twil. Dan ir-Regolament jipproponi bidla fil-mudell tan-negozju.

1.10

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni akbar lill-investituri u l-ħaddiema, li sal-lum ftit jitqiesu mir-riforma. Fit-tul, is-sostenibbiltà tas-sistema hija garantita bl-introduzzjoni ta' fiduċja ġdida li toħloq ambjent iktar sikur, kemm għall-investituri kif ukoll għall-ħaddiema, li huma partijiet attivi fil-proċess ta' ġestjoni tar-riskju.

1.11

Il-KESE iqis li l-flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regolamenti huwa prinċipju validu u adatt. Il-“bijodiversità” (1) ta' negozji bankarji tiżgura l-istabbiltà u l-effettività tas-sistema. Madankollu, il-Kumitat jenfasizza li dan m'għandux jitħallat mal-arbitrarjetà tar-regoli.

1.12

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex fil-Valutazzjoni tal-Impatt tagħha tinkludi valutazzjoni dettaljata dwar l-interazzjoni tal-proposti ewlenin fir-Regolament attwali ma' inizjattivi li twettqu riċentament bħalma huma CRDIV, BRRD, SRM, eċċ., kif ukoll valutazzjoni tar-riskji ta' migrazzjoni lejn ibbankjar parallel.

1.13

Il-Kumitat jirrakkomanda kooperazzjoni u koordinament intensivi fl-attivitajiet ta' sorveljanza bejn l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali, li jifhmu sew is-swieq u li se jaqdu rwol kruċjali fil-ġestjoni tal-finanzi Ewropej riformati il-ġodda.

2.   Il-proposta għal Regolament

2.1

Skont il-Kummissjoni, il-proposta tirrapreżenta parti importanti mir-reazzjoni tal-Unjoni biex tindirizza l-problema ta' banek li huma “kbar wisq biex ifallu” Hija intenzjonata biex ma tħallix li fis-sistema bankarja tal-UE jkun hemm oqsma ta' riskju mhux monitorjati jew ġestiti. Din se twaqqaf l-espansjoni ta' attivitajiet ta' natura purament spekulattiva.

2.2

Il-proposta għal Regolament għandha l-għan li tipprevjeni r-riskju sistemiku, l-istress finanzjarju jew il-falliment ta' entitajiet kbar, kumplessi u interkonnessi fis-sistema finanzjarja, b'mod partikulari l-istituzzjonijiet ta' kreditu, u li jintlaħqu dawn l-objettivi:

(a)

li jitnaqqas it-teħid ta' riskju eċċessiv fi ħdan l-istituzzjoni ta' kreditu;

(b)

li jitneħħew il-kunflitti ta’ interess materjali bejn il-partijiet differenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu;

(c)

li tiġi evitata l-allokazzjoni ħażina ta’ riżorsi u li jitħeġġeġ is-self għall-ekonomija reali;

(d)

li jikkontribwixxi għall-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux imxekkla għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fi ħdan is-suq intern;

(e)

li titnaqqas l-interkonnettività fi ħdan is-settur finanzjarju li twassal għal riskju sistemiku;

(f)

li jiġu ffaċilitati l-immaniġġjar, il-monitoraġġ u s-superviżjoni tal-istituzzjoni ta' kreditu;

(g)

li tiffaċilita r-riżoluzzjoni u l-irkupru tal-grupp b’mod ordnat.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar:

(h)

il-projbizzjoni ta’ negozjar proprjetarju;

(i)

is-separazzjoni ta’ ċerti attivitajiet ta' negozjar.

2.3

Għandhom jibqgħu jitħallew tipi oħrajn ta' servizzi/prodotti finanzjarji addizzjonali (titolizzazzjoni, bonds korporattivi, derivattivi, eċċ).

3.   Kunsiderazzjonijiet preliminari

3.1

Il-Kummissjoni tistma li l-kriżi finanzjarja swiet lill-gvernijiet tal-UE madwar EUR 1,6 triljun (13 % tal-PDG tal-UE) f'għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ finanzjarju lis-settur finanzjarju.

3.2

Il-konċentrazzjoni fis-settur bankarju hija partikolarment għolja: 14-il grupp bankarju Ewropew huma fil-lista ta' istituzzjonijiet finanzjarji ta' importanza sistemika f'livell globali (SIFIs), u 15-il grupp bankarju Ewropew għandhom 43 % tal-volum tas-suq u jirrappreżentaw 150 % tal-PDG tal-UE-27, b'65 % tal-assi f'idejn l-ewwel tletin grupp!

3.3

Il-kriżi finanzjarja, li bdiet fl-Istati Uniti u bħal tsunami laqtet is-sistema Ewropea, kellha diversi kawżi iżda dawk prinċipali jista' jitqies li huma: it-teħid ta' riskju eċċessiv, l-ingranaġġ finanzjarju eċċessiv, ir-rekwiżiti kapitali u ta' likwidità inadegwati, l-arkitettura kumplessa tas-sistema bankarja b'mod ġenerali.

3.3.1

F'Ottubru 2012, il-grupp Liikanen iddikjara li huwa neċessarju li ċerti attivitajiet finanzjarji li huma partikolarment riskjużi jiġu separati legalment mill-banek li jieħdu depożiti fi ħdan il-grupp bankarju. L-attivitajiet li għandhom jiġu separati jkunu jinkludu negozjar ta' titoli u derivattivi għan-nom proprju, u ċerti attivitajiet oħrajn marbutin mill-qrib mas-swieq tat-titoli u d-derivattivi (2).

3.4

Permezz ta' dan ir-Regolament il-Kummissjoni għandha l-għan li tnaqqas il-marġni tar-riskju fis-sistema bankarja u tikkontrolla l-operazzjonijiet kollha li għandhom potenzjal spekulattiv. Flimkien ma' dan għandu jitqies ir-Regolament dwar tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (3), li għandu l-għan li jnaqqas l-marġini ta' opaċità fis-“sistema bankarja parallela”. Għandu jitfakkar li, fl-aħħar tal-2012, dawn kienu jimmaniġġjaw EUR 53 triljun globalment, jiġifieri daqs nofs l-assi totali fis-sistema bankarja internazzjonali, primarjament fl-Ewropa, b'madwar EUR 23 triljun, u b'EUR 19-il triljun fl-Istati Uniti. Dawn huma ċifri impressjonanti jekk jitqabblu mal-PDG kollu tal-UE 28, li ma qabiżx EUR 13,071 triljun fl-2013 (Eurostat).

3.5

Fir-riżoluzzjoni McCarthy tal-Parlament Ewropew (4) jidhru xi prinċipji fundamentali u fost oħrajn huwa indikat li: “l-prinċipju ewlieni tar-riforma bankarja għandu jkun li tiġi pprovduta sistema bankarja sigura, stabbli u effiċjenti li taqdi l-ħtiġijiet tal-ekonomija reali, il-klijenti u l-konsumaturi; (...) ir-riforma strutturali għandha tistimola tkabbir ekonomiku billi tappoġġa l-għoti ta' kreditu lill-ekonomija, b'mod partikolari lill-SMEs u n-negozji l-ġodda (start-ups), tipprovdi reżiljenza akbar kontra l-possibbiltajiet ta' kriżi finanzjarji, terġa' ġġib l-fiduċja fil-banek fl-aspetti kollha, u tneħħi r-riskji għall-finanzi pubbliċi; (...) is-sistema bankarja, sabiex tkun effettiva, għandha twassal għal bidla fil-kultura bankarja sabiex tnaqqas il-kumplessità, issaħħaħ il-kompetizzjoni, tillimita interrelazzjonijiet bejn l-attivitajiet kummerċjali u riskjużi, ittejjeb il-governanza korporattiva, toħloq sistema responsabbli ta' rimunerazzjoni, opportunità effettiva biex timplimenta b'mod effettiv il-mekkaniżmi ta' rkupru u riżoluzzjoni tal-kriżi tal-banek minbarra li ssaħħaħ il-kapital tal-banek u l-provvediment tal-kreditu lill-ekonomija reali.”

Is-sorveljanza l-ġdida tas-swieq internazzjonali ħarġet aktar b'saħħitha, aktar profonda, u speċjalment b'aktar setgħat minn qabel, b'inqas diskrezzjoni u aktar garanziji għas-suq u l-utenti aħħarin.

4.   Il-punti ewlenin tas-smigħ

4.1

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni qed issegwi fid-direzzjoni t-tajba, iżda jaħseb li jkun utli li jippreżenta xi fehmiet li ħarġu mid-diskussjoni ma' partijiet interessati differenti li forsi ma saritx biżżejjed riflessjoni dwarhom. Il-KESE għaldaqstant jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar xi punti ewlenin mill-interventi tal-partijiet interessati differenti. Għalkemm ma jirrappreżentawx il-fehmiet tal-KESE b'mod sħiħ, xorta jistħoqqilhom li jiġu notati b'mod preċiż.

4.2

B'mod ġenerali, ir-riforma proposta ntlaqgħet tajjeb. Il-projbizzjoni ta' kummerċ proprjetarju u s-separazzjoni tal-attivitajiet tradizzjonali mill-kummerċ huma meqjusa mill-maġġoranza bħala strumenti adattati biex tiġi limitata l-ispekulazzjoni fuq prodotti finanzjarji u biex jixprunaw l-attivitajiet tas-self bankarju, is-sors ewlieni ta' finanzjament għall-SMEs u li f'dawn l-aħħar snin naqas ħafna minħabba politiki dwar l-ispekulazzjoni fuq il-kummerċ.

4.3

Huwa importanti li fl-applikazzjoni tar-riforma titqies id-diversità kbira tal-mudelli tan-negozju sabiex jiġi żgurat li l-banek lokali jkunu jistgħu jkomplu jservu l-ekonomiji lokali.

4.4

Enfasi partikolari għandha tingħata lill-mudell tan-negozju ta' banek popolari u kooperattivi. Ir-riforma titqies li ftit hija adattata jew adattabbli għan-netwerk speċifiku tagħhom. B'mod partikolari, it-tħassib li ntwera huwa li r-riforma tista' ddgħajjef l-mod kif jaħdmu u l-kapaċità tagħhom li jkunu ta' kuljum fuq il-post biex jappoġġjaw l-ekonomija reali. Huwa għalhekk irrakkomandat li jiġu ppreservati l-ispeċifiċità u d-diversità tan-negozju tal-banek.

4.5

Ir-riforma, flimkien ma' għadd ta' miżuri oħrajn stabbiliti mill-Kummissjoni f'dawn l-aħħar snin, se ttejjeb it-trasparenza ta' tranżazzjonijiet individwali u tas-sistema bankarja inġenerali, iżda se żżid ukoll l-ispejjeż globali f'diversi livelli. F'dan ir-rigward, id-dibattitu enfasizza biċ-ċar il-ħtieġa għal valutazzjoni tal-impatt ġenerali dwar ir-riformi regolatorji finanzjarji, minkejja l-għarfien dwar il-kumplessità tal-valutazzjoni.

4.6

Hemm il-biża' li, kif spiss ikun il-każ, dawn l-ispejjeż jingħaddu lill-konsumatur finali tas-servizzi finanzjarji. Tqajmet ukoll il-mistoqsija dwar jekk l-effetti pożittivi previsti bħala riżultat tal-miżuri l-ġodda, pereżempju f'termini ta' stabbilità tas-sistema bankarja, ikunux iżgħar minn dawk negattivi.

4.7

B'referenza speċifika għas-sistema ta' protezzjoni tal-iżvelaturi, il-Kumitat u l-imsieħba soċjali li semmew din il-kwistjoni faħħru lill-Kummissjoni dwar is-sistema ta' regoli previsti. Tressqu talbiet biex tingħata definizzjoni aħjar tat-terminu “protezzjoni xierqa” (Art. 30) u biex tiġi ċċarata l-estensjoni tar-regoli proposti għall-ħaddiema kollha, sabiex jitħeġġu u jiġu motivati jirraportaw kull ksur.

4.8

Fir-rigward tas-sanzjonijiet previsti (Art. 28 u 29), huwa rakkomandat li r-responsabilità għal kwalunkwe ksur tiġi stabbilita primarjament fuq livell istituzzjonali, dak ta' governanza, u mhux ta' persuna speċifika.

4.9

Fir-rigward tas-sistema ta' rimunerazzjoni, huwa rakkomandat li tiddaħħal referenza espliċita għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 69 tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRD) IV.

5.   Kummenti tal-KESE

5.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni u jaqbel mal-għażla li jintuża Regolament bħala strument legali, li huwa adatt għall-finijiet ta' armonizzazzjoni tas-suq uniku, sabiex jiġi evitat arbitraġġ regolatorju u terġa' tiddaħħal sistema bankarja ġdida għas-servizz taċ-ċittadini u l-komunità, effiċjenti u produttiva, li tagħti appoġġ għall-ekonomija reali, u għall-familji, għall-iżvilupp ibbilanċjat u sostenibbli tas-soċjetà, b'viżjoni fit-tul li tgħaqqad flimkien l-innovazzjoni u s-sigurtà.

5.2

Il-KESE appoġġa bil-qawwa r-riformi suċċessivi li issa bdew jagħtu l-ewwel frott tagħhom. Dan ir-Regolament jittratta waħda mill-aktar kwistjonijiet kumplessi u sensittivi fis-sistema kollha: ir-reżiljenza u l-qafas legali ta' kumpaniji finanzjarji, li xi wħud minnhom għandhom volum ta' attività li jaqbeż il-PDG ta' ħafna Stati Membri. Il-volumi totali tal-attività tal-akbar għaxar banek Ewropej jaqbeż il-PDG tal-UE-28 (5) (aktar minn EUR 15  000 biljun).

5.3

Il-proposta għal Regolament għandha l-għan li tneħħi mill-qofol tagħha problema diffiċli li toriġina mid-daqs, l-interkonnessjoni u l-kumplessità ta' ċerti istituzzjonijiet, hekk imsejħa “sistemiċi” li jistgħu jwasslu għal kriżi sistemika. “Too big to fail”, jew “kbar wisq biex ifallu” issa saret il-mantra li taħbi azzjonijiet li mhux biss jiksru l-aktar prinċipji etiċi fundamentali iżda jinkludu frodi u ksur tal-liġi, bħalma sfortunatment qed ikomplu juru każijiet ta' skandli finanzjarji riċenti u oħrajn aktar riċenti. Dawn it-tipi ta' azzjonijiet jiġu sottovalutati u msejħa “periklu morali”, jew riskju etiku!

5.4

Il-Kummissarju Barnier ħabbar it-tnedija tal-proposta b'dawn il-kliem: “L-għan tagħna huwa li tiġi evitata l-preżenza ta' banek li huma kbar wisq biex ifallu, jiswew wisq biex jiġu salvati, huma wisq kumplessi biex jiġu ristrutturati”.

5.5

Il-KESE jemmen li l-miżuri proposti huma pass fid-direzzjoni t-tajba, jiġifieri jnaqqsu r-riskju li dawk li jħallsu t-taxxa se jkollhom jerġgħu jieħdu aktar passi biex isalvaw il-banek li jkunu f'diffikultà. Fid-dawl tas-salvataġġi finanzjarji ripetuti l-KESE kien wissa kontra l-effetti diżastrużi li dawn seta' jkollhom fuq id-dejn sovran u konsegwentement l-effetti detrimentali ta' reċessjoni li dehret inevitabbli. Sfortunatament, il-previżjonijiet irriżultaw veri, saħansitra iktar gravi milli mistennija, minħabba żbalji impressjonanti dwar l-effetti ta' numru dejjem jikber ta' politiki ta' aġġustament baġitarju kkawżati mir-rekwiżiti nazzjonali jew minħabba politika tal-Unjoni għal tul ta' żmien qasir jew żbaljata, li ma fehmitx li kienu meħtieġa azzjoni flessibbli u miżuri kompensatorji kontra r-riċessjoni.

5.5.1

Huwa biss issa li nistgħu nistmaw il-ħsara li rriżultat minn din il-politika u għandna nirrikonoxxu li kien biss bis-saħħa tal-ġestjoni brillanti taż-żona tal-euro mill-Bank Ċentrali Ewropew li ġew evitati konsegwenzi agħar u ġie salvat l-euro, u fl-aħħar mill-aħħar l-Unjoni. Li kieku ngħata widen għall-pariri tal-KESE, forsi ħafna ħsara setgħet tiġi evitata.

5.6

Għalhekk, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni assenjat rwol deċiżiv lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA). L-EBA se tiġi kkonsultata f'każ li jkun meħtieġ li ċerti deċiżjonijiet previsti f'din il-proposta jiġu adottati. Barra dan, se tingħata l-mandat li tħejji abbozzi ta' standards tekniċi u implimentattivi regolatorji, u għandha taġġorna lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament billi tibgħat rapporti. F'numru ta' okkażjonijiet il-KESE saħaq li, minkejja li m'hemmx dubju dwar il-kompetenzi li għandha, il-Kummissjoni ma kinitx qed talloka biżżejjed kompiti u riżorsi lil din l-awtorità importanti.

5.7

Fl-1999, l-Istati Uniti adottat liġi li tirrevoka l-Att Glass-Steagall, u b'mod partikolari s-separazzjoni ta' attivitajiet bankarji kummerċjali u minn dawk ta' investiment. Sfortunatament, l-Unjoni segwiet ukoll l-għażla diżastruża tal-amministrazzjoni Amerikana. Il-KESE jinnota li d-dispożizzjonijiet attwali fil-fatt jerġgħu jintroduċu s-separazzjoni bejn iż-żewġ oqsma ta' attività u saħansitra jmorru lil hinn għax, ħlief għal ftit eċċezzjonijiet, jipprojbixxu li l-istituzzjonijiet ta' kreditu jaċċettaw depożiti li jirriżultaw prinċipalment minn attivitajiet ta' investiment jew ta' assi kurrenti.

5.7.1

Huwa kruċjali li l-UE taħdem mill-qrib ma' pajjiżi terzi, speċjalment l-Istati Uniti, sabiex tagħmel progress lejn approċċ sostanzjali komuni għar-regolamentazzjoni. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni interna.

5.8

Ir-Regolament propost iħalli lok għal ħafna diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Huwa kruċjali li dawn jaġixxu, u jibbażaw il-valutazzjonijiet tagħhom abbażi ta' kriterji ċari, armonizzati u prevedibbli li jiddefinixxu meta bank ma jkunx jista' jibqa' jimmaniġġja l-livelli għolja ta' attivitajiet ta' assi kurrenti tiegħu stess. Mingħajr qafas ta' referenza komuni r-riskju ta' interpretazzjoni suġġettiva jitsa' jwassal għall-effett oppost ta' dak li hu mistenni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 114 tat-TFUE.

5.9

Il-KESE japprezza l-għażla finali tal-Kummissjoni favur separazzjoni ta' attivitajiet ta' negozjar tas-suq u dawk għan-nom proprju b'mod ex-post minflok ex-ante: u għaldaqstant l-istandards tekniċi fdati lill-EBA huma kruċjali. Fid-dawl tal-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-riżoluzzjoni u, b'mod partikolari t-twaqqif tal-awtorità tar-riżoluzzjoni, approvata mill-Kunsill tal-ECOFIN f'Diċembru tal-2013, il-KESE jirrakkomanda li jitnedew arranġamenti immedjati għall-koordinazzjoni u l-identifikazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' duplikazzjoni tad-deċiżjonijiet, jew saħansitra agħar minn hekk, interpretazzjonijiet u valutazzjonijiet konfliġġenti mill-awtoritajiet rilevanti. Ladarba tkun twaqqfet, l-awtorità tar-riżoluzzjoni unika għandha tipparteċipa flimkien mal-EBA biex jitfassal il-mekkaniżmu u jiġu definiti l-istandards tekniċi.

5.10

Il-KESE ma jaqbilx mal-kritika li saret lill-Kummissjoni rigward l-importanza relattiva ta' attivitajiet li jistgħu jkunu suġġetti għal separazzjoni. F'xi istituzzjonijiet ta' kreditu, is-sehem tagħhom kien sostanzjali immens u n-nuqqas ta' regoli speċifiċi wassal biex jiġu esposti għal riskju għoli ħafna li seta' wassal għal kriżi sistemika ħafna agħar minn dik li seħħet, b'effetti diżastrużi fuq is-sistema ta' pagamenti ta' saldu u l-ekonomija b'mod ġenerali. Kienu biss l-injezzjonijiet ġodda minn flus iċ-ċittafini u l-kapaċità ta' rispons mill-BĊE li għenu biex jiġi evitat diżastru.

5.11

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon u jappoġġa lill-Kummissjoni għall-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet espliċiti dwar il-protezzjoni ta' professjonisti fis-settur finanzjarju li huma esposti għal konsegwenzi severi f'każ ta' żvelar ta' interess pubbliku dwar irregolaritajiet, li wara jgħaddu minn ritaljazzjoni jew saħansitra tkeċċija mill-impjieg. Il-monitoraġġ intern, magħruf bħala 'whistleblowing', għandu jitħeġġeġ u jingħata appoġġ. Il-konformità mar-regoli hija ta' spiss injorata, evitata jew saħansitra miksura, u dan jesponi lill-istituzzjonijiet bankarji u lill-persunal tagħhom għal riskji inkalkolabbli. L-iskoperta riċenti ta' prattiki li jmorru kontra l-istandards u r-regoli kollha, xi kultant minn impriżi magħrufin sew jew stmati ħafna, kienet possibbli biss minħabba l-kooperazzjoni attiva tal-persuni impjegati magħhom!

5.11.1

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema ta' monitoraġġ speċifiku tal-obbligi tal-Istati Membri li jadottaw leġislazzjoni għal protezzjoni adatta u biex tippreżenta rapport fi żmien sentejn mill-applikazzjoni tar-Regolament.

5.12

Il-KESE huwa konxju ħafna tal-kwistjonijiet rigward ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari dwar ir-reċiproċità u dwar il-konformità mar-regoli mill-partijiet kollha li joperaw fl-UE. Huwa jqis li l-approċċ tal-Kummissjoni huwa bilanċjat u jaqbel mal-proposta tagħha f'dan ir-rigward. Il-KESE jirrakkomanda li titkompla u tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti, b'mod partikolari fil-qasam tar-regolamentazzjoni finanzjarja, sabiex jiġu żviluppati sistemi kemm jista' jkun omeġenji, li jadottaw approċċ uniformi għall-istess problemi.

5.13

Barra minn hekk, il-KESE jilqa' wkoll il-fatt li r-regolamenti tal-Kummissjoni bdew iwieġbu b'mod adatt għal waħda mill-kwistjonijiet li l-Kumitat enfasizza ta' spiss fil-passat, f'dan il-każ rigward is-sanzjonijiet amministrattivi, peress li s-sanzjonijiet kriminali huma barra mill-mandat tal-Kummissjoni. Il-proposti tal-Kummissjoni jidhru raġonevoli, proporzjonati u dissważivi.

5.14

Il-KESE wera, f'diversi okkażjonijiet, ir-riżervi tiegħu dwar l-użu ta' atti ddelegati. Għalkemm il-Kumitat jagħraf l-importanza ta' aġġustament tal-leġislazzjoni matul is-snin, il-KESE jinnota li s-sistema ta' atti ddelegati tintroduċi inċertezzi mhux mixtieqa f'dan il-qasam.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 100, 30.04.2009, p. 84.

(2)  http://ec.europa.eu/internal_market/bank/docs/high-level_expert_group/report_en.pdf

(3)  COM(2014) 40 final.

(4)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+COMPARL+PE-506.244+01+DOC+PDF+V0//EN&language=MT (2013/2021(INI).

(5)  http://www.relbanks.com/top-european-banks/assets


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Pjan direzzjonali dwar l-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti – It-tiswir tal-fiduċja fis-servizzi ta' konsenja u l-għoti ta' spinta lill-bejgħ onlajn”

COM(2013) 886 final

(2014/C 451/08)

Relatur:

is-Sinjura RONDINELLI

Nhar is-16 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Pjan direzzjonali dwar l-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti – It-tiswir tal-fiduċja fis-servizzi ta' konsenja u l-għoti ta' spinta lill-bejgħ onlajn

COM(2013) 886 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'107 voti favur, 2 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan direzzjonali għall-ikkompletar tas-suq uniku tal-konsenja tal-prodotti mibjugħin onlajn li jirrappreżenta potenzjal sostanzjali mil-lat tal-iżvilupp u l-impjieg. Servizzi effiċjenti u affidabbli ta' konsenja jirrappreżentaw pilastru essenzjali għall-promozzjoni tal-kummerċ elettroniku u t-tisħiħ tal-fiduċja bejn il-bejjiegħa u x-xerrejja.

1.2

Fil-fehma tal-KESE, l-ikkompletar tas-suq intern għall-konsenja tal-prodotti u t-tneħħija tad-disparitajiet sinifikanti li jeżistu bejn l-aspetattivi, il-protezzjoni u d-disponibbiltà effettiva jitolbu: responsabbiltà konġunta; traċċabbiltà sħiħa; interoperabbiltà u aċċess għal firxa usa' ta' għażla fit-territorju kollu tal-UE, inklużi l-gżejjer; l-iżgurar tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-partijiet interessati – b'mod partikolari, l-SMEs u l-konsumaturi – speċjalment għall-ilmenti u l-każijiet ta' ritorn; ġbir sempliċi u komparabbli ta' data u dimensjoni soċjali u edukattiva soda.

1.3

Il-KESE jiddikjara (1) li dan l-għan ma għandux ikun ibbażat biss fuq ftehimiet u kodiċijiet volontarji, għalkemm dawn huma mixtieq ħafna, iżda wkoll fuq qafas minimu regolatorju Ewropew li, b'mod effiċjenti u flessibbli, jista' jindirizza n-nuqqasijiet fis-suq li għadhom ma ssolvewx li jiskoraġġixxu lill-konsumaturi u 'l-SMEs milli jagħmlu kummerċ elettroniku, u jista' wkoll isolvi l-problemi relatati ma':

il-koresponsabbiltà tal-operaturi tal-katina sħiħa tal-bejgħ onlajn;

it-traċċabbiltà sħiħa tal-konsenji;

ir-rispett espliċitu tal-liġijiet Ewropej fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali;

l-għażla ċara bejn diversi alternattivi ta’ konsenja;

id-definizzjonijiet komuni ta' kunċetti u interoperabbiltà sħiħa;

l-aċċessibilità u l-obbligu ta' servizz universali bi spejjeż raġonevoli;

il-ġbir ta' statistika komparabbli u kategorizzata, iżda ssemplifikata għall-operaturi ż-żgħar;

l-obbligu li t-taxxa fuq il-valur miżjud tiġi applikata b'mod uniformi;

l-approvazzjoni transkonfinali reċiproka tas-sistemi f'netwerk taċ-ċentri nazzjonali għas-soluzzjoni tal-problemi u l-metodi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (2);

l-obbligu li jiġu rispettati l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti;

it-trasparenza fil-kundizzjonijiet u l-prezzijiet tas-servizzi;

it-taħriġ vokazzjonali permanenti lill-persunal;

sanzjonijiet jekk ma jiġux rispettati l-obbligi, liema nuqqasijiet jinkixfu permezz ta' sistema ta' twissija msejħa RAPEX-IMI (3);

il-ħolqien tal-marka Ewropea ta' fiduċja abbażi ta' standards tekniċi u regolatorji, permezz tal-għoti ta' mandat lis-CEN (4), bil-għan li jistabbilixxi indikaturi ta' kwalità;

miżuri favur l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju għas-semplifikazzjoni u l-aċċess għas-suq u għal pjattaformi onlajn taħt kundizzjonijiet ugwali.

1.4

Il-KESE jitlob li l-pjan direzzjonali jindika b'mod ċar il-perjodi ta' żmien meħtieġa u jistabbilixxi l-kalendarju definittiv għall-implimentazzjoni, kemm mil-lat regolatorju kif ukoll mil-lat ta' awtoregolamentazzjoni, bil-għan li jkun hemm l-ogħla livell ta' fiduċja possibbli fost l-operaturi kollha involuti u, b'mod partikolari, iċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jiġu rispettati u mħarsa bis-sħiħ id-drittijiet rispettivi tagħhom.

1.5

Il-KESE jitlob biex il-pjan direzzjonali jipprevedi żewġ miżuri addizzjonali, waħda dwar l-aċċessibilità tas-servizz bi spejjeż raġonevoli, u l-oħra dwar id-dimensjoni soċjali tas-suq.

1.6

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, lill-PE u lill-Kunsill li:

qafas regolatorju Ewropew jippermetti li l-operaturi kollha fis-settur ikollhom aċċess għas-suq uniku tal-konsenja tal-pakketti u jiżgura li tingħata attenzjoni partikolari lill-problemi tas-servizz univerali bi spejjeż raġonevoli, b'mod partikolari fir-rigward taż-żoni periferiċi, dawk muntanjużi, il-gżejjer u dawk żvantaġġati;

in-nuqqas ta' qafas statistiku dettaljat u komparabbli dwar il-katina minn meta ssir l-ordni onlajn sal-konsenja transkonfinali tal-prodotti jiġi indirizzat bi proċeduri semplifikati skont il-prinċipju ta' approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”;

tiġi stabbilita struttura komuni u miftuħa abbażi ta' definizzjonijiet kondiviżi bil-kunsens tal-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari l-SMEs, għall-ġestjoni interoperattiva ta' pjattaformi onlajn interattivi li faċilment jistgħu jintużaw mill-utenti, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni Ewropea (KE);

jingħataw indikazzjonijiet ċari dwar strumenti finanzjarji tal-UE f'dawn l-oqsma: ir-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika; l-ambjent u l-klima; l-enerġija u t-trasport; il-professjonijiet ġodda u t-taħriġ; il-koeżjoni, it-territorju u l-intrapriżi ż-żgħar;

jingħata appoġġ adegwat lill-SMEs fl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali billi tipprevedi miżuri konkreti u fondi adatti għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ onlajn taħt kundizzjonijiet ugwali;

fl-ispirtu tas-“Small Business Act”, tiġi implimentata regolamentazzjoni adattata għall-problemi tal-SMEs fis-setturi kollha tat-trasport u tal-loġisika, bil-kontribut tal-organizzazzjonijiet ta' referenza tagħhom;

is-CEN jingħata, b'mod mill-iżjed urġenti, mandat biex jistabbilixxi standards għall-indikaturi ta' kwalità għal marka Ewropea ta' sikurezza u kwalità għall-konsenja sabiex jiġu żgurati l-kwalità, l-affidabbiltà, is-sostenibbiltà u l-garanziji soċjali u ta' sikurezza;

tiġi żgurata dimensjoni soċjali soda u koerenti li tiggarantixxi djalogu soċjali Ewropew settorjali wiesa': l-aċċess għal opportunitajiet adegwati ta' taħriġ u kwalifika mill-ġdid vokazzjonali; kundizzjonijiet tax-xogħol u salarji ġusti u deċenti; l-eliminazzjoni tax-xogħol prekarju u mhux iddikjarat preżenti l-iżjed fix-xogħol esternalizzat fl-aħħar fażi tal-konsenja, l-hekk imsejjaħ “last mile”.

1.7

Il-KESE jitlob li l-KE, bl-appoġġ tal-Eurofound, tħejji rapport ta' kull sentejn dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol fis-settur, dwar il-kundizzjonijiet tal-konsumaturi u tal-operaturi tas-settur u l-prospetti ta' żvilupp tagħhom, bil-għan li jitressaq quddiem il-KESE, il-Parlament (PE), il-Kunsill u l-partijiet soċjali.

2.   Mill-Green Paper għall-pjan direzzjonali

2.1

Fl-Ewropa, il-kummerċ elettroniku jirrappreżenta xprun potenzjali għat-tkabbir ekonomiku u okkupazzjonali ta' 'l fuq minn 10 % fis-sena għall-perjodu 2013-2016 (5). 45 % taċ-ċittadini tal-UE għamlu akkwisti onlajn fl-aħħar 12-il xahar u ġie konfermat li l-biċċa l-kbira tal-problemi huma marbuta mal-konsenja jew id-dewmien fil-konsenja (6).

2.2

Il-KE identifikat (7) il-“ħames ostakli prinċipali għas-Suq Uniku Diġitali u (...) pjan ta' azzjoni biex jitneħħew”, iżda “10 % tal-persuni bħalissa ma jixtrux onlajn (8) għaliex huma mħassba dwar l-ispejjeż tas-servizzi tal-kunsinna, partikolarment fir-rigward tal-kunsinna transkonfinali, u dwar il-kwalità tas-servizz”.

2.3

Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper (9), il-KESE talab għal direttiva biex tiġi definita sistema ta' responsabbiltà konġunta li tapplika għall-operaturi, it-traċċabbiltà sħiħa tal-konsenji, l-obbligu li jiġu offerti iżjed alternattivi ta' konsenja, netwerk Ewropew ta' ċentri nazzjonali għas-soluzzjoni tal-problemi, u l-obbligu kemm li jiġu rispettati l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, kif ukoll t-trasparenza dwar il-kundizzjonijiet u l-prezzijiet.

2.4

Id-dibattitu dwar il-Green Paper ġie segwit f'Diċembru 2013 minn komunikazzjoni dwar il-pjan direzzjonali għall-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti (10).

2.5

Skont stħarriġ reċenti f'livell dinji (11), il-fatturi l-iżjed problematiċi għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku min-negozju għall-konsumatur (B2C) huma:

l-impossibbiltà li l-bejjiegħa jkunu jafu b'mod immedjat l-alternattivi ta' konsenja, u li jkollhom iċ-ċertezza tal-ispiża globali tax-xiri onlajn;

l-impossibbiltà li l-bejjiegħa jirċievu aġġornamenti dwar il-qagħda attwali tal-konsenji u t-traċċabbiltà tagħhom;

it-tul taż-żmien biex il-konsenja tintbagħat u/jew in-nuqqas ta' indikazzjoni/flessibbiltà fit-tul taż-żmien li jieħdu l-konsenji;

il-ġestjoni kkumplikata u għalja tal-merkanzija li tiġi ritornata jew tinbidel ma' oħra;

in-nuqqas ta' għajnuna lill-klijenti b'persuni ddedikati għal dan is-servizz f'ħin reali.

2.6

Il-KE tiddikjara li għadha mhijiex kompluta d-data tas-suq dwar il-flussi ta' pakketti nazzjonali u transkonfinali li jgħaddu minn taħt idejn il-fornituri kollha ta' servizzi postali li huma attivi fis-swieq B2C u B2B, inklużi l-intermedjarji, il-konsolidaturi u l-operaturi alternattivi (12)".

2.7

Diversi studji jikkonfermaw li l-potenzjal ta' mġiba li tmur kontra l-kompetizzjoni jidher iktar qawwi f'ċerti oqsma tas-servizz postali meta mqabbla ma' oħrajn, u għalhekk jidher li tkun adatta sorveljanza regolamentarja, pereżempju: ... suq B2C fir-rigward tas-servizzi B2B; servizzi transkonfinali fir-rigward ta' servizzi postali domestiċi (13).

2.8

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ammont sostanzjali tal-konklużjonijiet tal-Opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper ġew adottati. Fil-fatt, anke l-Kunsill (14) u l-PE (15) stiednu lill-KE tidentifika l-ostakli attwali għas-servizzi transkonfinali tal-konsenja, u tadotta miżuri adegwati biex jiġu indirizzati. Il-PE talab ukoll (16) servizzi ta' konsenja aċċessibbli, ekonomikament affordabbli, effiċjenti u ta' kwalità għolja u pjattaformi ta' kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni bejn is-servizzi tal-konsenja, b'ġestjoni rapida u bl-inqas spiża possibbli f'każ ta' lmenti u tilwim.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja tal-SMEs u tal-konsumaturi onlajn permezz ta' netwerks u sistemi interoperattivi b'ġestjoni rapida u bi spejjeż baxxi fi ħdan qafas adatt ta' awtoregolamentazzjoni li jkun aċċettat mill-operaturi kollha fil-katina bil-għan li jkun hemm suq intern ħieles u miftuħ, u b'hekk tiġi evitata kwalunkwe regolamentazzjoni żejda mhux meħtieġa. Għaldaqstant, jitlob biex il-pjan direzzjonali jiġi implimentat fi żmien definit b'mod ċar abbażi ta' kalendarju definittiv bi previżjoni ta' 18-il xahar.

3.2

Il-KESE jemmen li l-UE għandha tkompli bl-ikkompletar tas-suq intern tal-konsenji tal-pakketti u tiżgura ħeffa, kwalità, affidabbiltà u spejjeż raġonevoli għall-konsumaturi, il-ħaddiema u l-operaturi kollha, inklużi l-SMEs tas-settur tal-kummerċ elettroniku, tat-trasport u tal-loġistika, u b'hekk jiġu remedjati n-nuqqasijiet u l-irregolaritajiet attwali tas-suq uniku.

3.3

Madankollu, il-KESE stenna li l-Komunikazzjoni tirriferi wkoll b'mod speċifiku għas-sitwazzjoni ta' reġjuni bi żvantaġġi ġeografiċi, bħall-gżejjer, ir-reġjuni ultraperiferiċi u dawk muntanjużi, peress li l-KESE jifhem li dawn ir-reġjuni joħolqu sfidi speċifiċi li huma diffiċli li jingħelbu, b'mod partikulari għal raġunijiet ekonomiċi: suq uniku li hu tabilħaqq komplet għall-konsenja tal-pakketti jista' jintlaħaq biss jekk dawn ir-reġjuni jiġu kkunsidrati b'mod adatt u jitwettqu azzjonijiet favurihom.

3.4

Fil-fehma tal-KESE, il-qafas tal-azzjonijiet proposti huwa bbażat essenzjalment fuq proċessi volontarji ta' awtoregolamentazzjoni, fuq l-azzjoni tal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Posta u fuq prinċipji ta' implimentazzjoni ġusta tal-liġijiet Ewropej li diġà huma fis-seħħ, mingħajr ma jiġi indikat qafas uniku għall-operaturi kollha u mingħajr ma jiġu definiti skadenzi speċifiċi fi ħdan it-18-il xahar indikati.

3.5

Il-KESE josserva li l-pjan direzzjonali għadu ma jipprevedix, flimkien mal-proċessi ta' awtoregolamentazzjoni, il-bżonn ta' direttiva – li kienet diġà ġiet mitluba mill-KESE (17) – li tista' tissodisfa b'mod sħiħ, koerenti u konsolidat il-ħtiġijiet tal-ikkompletar tas-suq intern tal-konsenja tal-pakketti transkonfinali għall-operaturi kollha tas-settur.

3.6

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-UE trid toffri soluzzjoni Ewropea fil-forma ta' promozzjoni tal-awtoregolamentazzjoni u tar-regolamentazzjoni sabiex jiġu indirizzati l-problemi li għadhom ma ġewx solvuti fis-suq u sabiex jiġu protetti l-konsumaturi u l-SMEs (B2B) fir-rigward ta':

il-koresponsabbiltà tal-operaturi kollha tal-katina sħiħa tal-bejgħ onlajn fil-konfront tax-xerrej;

l-obbligu ta' traċċabbiltà u l-lokalizzazzjoni sħaħ tal-konsenji;

ir-rispett espliċitu tar-regoli tas-sikurezza u dwar il-protezzjoni tad-data personali, b'konformità mad-Direttiva 95/46/KE;

l-obbligu li l-konsumaturi jkollhom l-għażla ta' diversi alernattivi ta’ konsenja;

l-obbligu ta' definizzjonijiet komuni ta' kunċetti u ta' interoperabbiltà sħiħa;

l-obbligu ta' servizz universali bi spejjeż raġonevoli għall-operaturi kollha tas-suq ħieles, li jqis in-normi Ewropej pertinenti li huma fis-seħħ; inkluż id-Direttivi dwar is-servizzi postali u r-regolamenti rilevanti l-oħra tal-UE;

ġbir ta' statistika komparabbli u kategorizzata;

l-obbligu li t-taxxa fuq il-valur miżjud tiġi applikata b'mod uniformi;

l-aċċettazzjoni transkonfinali reċiproka tas-sistemi f'netwerk taċ-ċentri nazzjonali għas-soluzzjoni tal-problemi u l-ODR/ADR;

l-obbligu li jiġu rispettati l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti;

l-obbligu ta' trasparenza fil-kundizzjonijiet u l-prezzijiet tas-servizz;

l-obbligu ta' taħriġ vokazzjonali permanenti tal-persunal biex jiġi żgurat il-professjonaliżmu fid-dawl tal-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda fis-settur;

sanzjonijiet jekk ma jiġux rispettati l-obbligi, anke permezz ta' sistema ta' twissija msejħa RAPEX-IMI, u sanzjonijiet bbażi ta' indikaturi ta' kwalità;

miżuri favur l-SMEs, fir-rigward tas-semplifikazzjoni burokratika u amministrattiva, l-aċċess għas-suq u l-parteċipazzjoni fil-ħolqien konġunt ta' applikazzjonijiet komuni ta' teknoloġiji ġodda u portali u pjattaformi onlajn.

3.7

Allavolja l-proposti jagħmlu referenza għall-kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju tal-UE għall-perjodu 2014-2020, il-KESE huwa tal-fehma li l-pjan direzzjonali ma jistax ma jsemmix indikazzjonijiet espliċiti dwar strumenti finanzjarji rilevanti tal-UE fil-qasam ta':

r-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika (Orizzont 2020, il-programmi Galileo, l-ISA u l-Aġenda Diġitali) għall-interoperabbiltà, it-traċċabbiltà u s-sikurezza;

l-ambjent, il-klima, l-enerġija u t-trasport (is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali, il-qafas tal-2030 għall-enerġija u l-klima u l-inizjattiva “EU Transport GHG: Routes to 2050 II”) rigward l-impatt tal-hekk imsejjaħ “last mile”;

l-SMEs: interventi tal-BEI għal intrapriżi innovattivi, il-programm COSME u r-riżorsi Ewropej kollha disponibbli għall-kompetittività skont l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-operaturi l-oħra;

il-koeżjoni territorjali (programmazzjoni ġdida tal-fondi strutturali għall-perjodu 2014-2030 u tal-interventi għall-gżejjer, iż-żoni rurali u dawk ultraperiferiċi);

l-impjieg u t-taħriġ (l-“Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi”; l-“Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej – Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir”; Erasmus Plus 2014-2020; Tagħlim u Taħriġ).

3.8

Il-KESE jirrakkomanda li l-KE tagħti mandat lis-CEN biex tistabbilixxi standards tekniċi u regolatorji Ewropej bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari l-SMEs u l-konsumaturi, u huwa tal-fehma li jeħtieġ li jinħolqu indikaturi għal marka Ewropea ta' sikurezza u kwalità għall-konsenji biex jiġu żgurati l-kwalità, l-affidabbiltà, is-sostenibbiltà u l-garanziji soċjali u ta' sikurezza.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jipprevedi l-bżonn ta' żewġ azzjonijiet oħra fir-rigward tal-garanzija ta' aċċessibbiltà u tad-dimensjoni soċjali tas-suq.

4.1.1   Azzjoni – aċċessibbiltà għas-suq u l-użu bi spejjeż raġonevoli

4.1.1.1

Il-KESE jitlob li, fil-kuntest tal-għoti tal-marka ta' kwalità, jiġi previst l-obbligu li jiġi żgurat l-aċċess għas-suq u l-użu tas-servizz bi spejjeż raġonevoli fit-territorju kollu tal-UE. Il-KESE jiddispjaċih jara li ż-żoni periferiċi u l-gżejjer ma ġewx ikkunsidrati b'mod speċifiku u għalhekk jistenna li r-regolament il-ġdid ikopri l-mira ta' vulnerabilità ġeografika fis-suq tal-kummerċ elettroniku għaliex persentaġġ sostanzjali taċ-ċittadini Ewropej jgħixu f'dawn iż-żoni.

4.1.1.2

Fil-fehma tal-KESE, irid ikun hemm aċċess sħiħ għall-operaturi kollha għall-istrutturi u r-riżorsi informattivi użati waqt l-għoti ta' servizzi ta' konsenja sabiex jiġu protetti l-interessi tal-utenti u/jew sabiex tiġi promossa effiċjenza kompetittiva.

4.1.1.3

Il-KESE jitlob li l-KE tirrivedi l-Avviż 1998 dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta' kompetizzjoni fis-settur, fid-dawl tal-iżviluppi regolamentarji u fis-suq li jaffettwaw is-servizzi transkonfinali u l-ispejjeż standard, għal politiki iżjed liberali u mmirati lejn l-ispejjeż (18), b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 26 mehmuż mat-Trattat ta' Lisbona, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess universali għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u l-prezzijiet affordabbli tagħhom.

4.1.2   Azzjoni – dimensjoni soċjali tas-suq

4.1.2.1

Il-KESE jitlob li tiġi assigurata dimensjoni soċjali soda u koerenti li tista' tiggarantixxi, flimkien ma' sforzi innovattivi promossi mill-intrapriżi tas-setturi kkonċernati, impjieg ta' kwalità għolja u professjonali, anke permezz tal-aċċess għal opportunitajiet adegwati ta' taħriġ u kwalifika professjonali mill-ġdid.

4.1.2.2

Il-KESE jtenni l-ħtieġa għal kundizzjonijiet tax-xogħol u salarji ġusti u deċenti għall-eliminazzjoni tax-xogħol prekarju u mhux iddikjarat, preżenti fix-xogħol esternalizzat matul l-hekk imsejjaħ “last mile”, u jenfasizza t-termini tar-Regolament tal-UE Nru 1071/2009 dwar l-aċċess għall-professjoni, id-Deċizjoni 2009/992/UE u r-Regolament tal-UE Nru 1213/2010 li jistabbilixxu definizzjoni ta' “relazzjoni ta' impjieg” b'tali mod li tippermetti azzjonijiet kontra l-impjieg indipendenti falz, kif ġie mfakkar f'opinjoni reċenti tal-KESE (19).

4.1.2.3

Il-KESE jirrakkomanda li jitnieda djalogu soċjali Ewropew wiesa' li jinvolvi l-partijiet soċjali rappreżentattivi tas-settur involuti fil-katina sħiħa tal-bejgħ onlajn u tal-konsenja tal-pakketti (kummerċjali, postali, trasport u loġistika) li jiffaċċjaw kwistjonijiet marbuta ma' kundizzjonijiet tax-xogħol u prospetti ta' żvilupp, innovazzjoni u valorizzazzjoni tar-riżorsi umani.

4.1.2.4

Il-KE għanda tħejji, bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, rapport ta' kull sentejn dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol fis-settur, u dwar il-prospetti ta' żvilupp bil-għan li jitressaq quddiem il-KESE, il-PE, il-Kunsill u l-partijiet soċjali.

4.2   Azzjoni 1: informazzjoni għall-konsumaturi dwar il-karatteristiċi u l-ispejjeż ta’ soluzzjonijiet ta' konsenja u ta' ritorn

4.2.1

Il-KESE huwa tal-fehma li l-kodiċijiet ta' mġiba volontarji u l-iskambju ta' prattiki tajbin għandhom jirrappreżentaw direzzjonijiet li jikkomplementaw lil xulxin fil-livell tal-UE jekk ikunu żviluppati u aċċettati mill-partijiet interessati kollha tas-suq tal-bejgħ onlajn u fi ħdan qafas regolatorju Ewropew li jirregola l-aspetti kollha relatati mal-konsenji transkonfinali tal-prodotti onlajn għall-konsumaturi, l-operaturi ż-żgħar u l-SMEs b'kundizzjonijiet indaqs u mingħajr ma jiġu imposti piżijiet insostenibbli fuqhom.

4.3   Azzjoni 2: informazzjoni aħjar għall-bejjiegħa onlajn dwar is-servizzi ta' konsenja

4.3.1

Hemm il-periklu li l-iżvilupp min-naħa tal-operaturi ta' konsenja u tal-bejjiegħa onlajn ta' definizzjonijiet komuni ta' kunċetti fundamentali tas-servizzi, mingħajr il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-konsumaturi, iwassal biex jiġu ttraskurati elementi importanti għall-għażla tal-konsumaturi u tiġi ristretta l-firxa tal-għażliet disponibbli.

4.3.2

Il-KESE jitlob li tiġi definita, bil-qbil tal-partijiet interessati kollha, struttura komuni miftuħa interattiva abbażi tal-proġett e-freight (20).

4.3.3

Il-KESE jitlob lill-KE tiżgura l-kontroll tal-ġestjoni adatta tal-pjattafroma onlajn abbażi ta' kriterji oġġettivi definiti minn qabel li jqisu l-ħtiġijiet tal-konsumatur, fi ħdan il-qafas regolatorju mitlub mill-KESE.

4.4   Azzjoni 3: trasparenza fis-swieq tal-konsenja, servizzi integrati u standards ta' kwalità

4.4.1

In-nuqqas ta' qafas statistiku dettaljat u komparabbli fil-katina tal-operazzjonijiet u l-partijiet interessati mill-ordni onlajn sal-konsenja transkonfinali tal-prodotti għandu jiġi remedjat billi l-awtoritajiet doganali u postali u dawk fiskali u finanzjarji, kif ukoll is-settur kummerċjali, jiksbu data rilevanti, uniformi u komparabbli dwar il-flussi tal-pakketti transkonfinali mill-fornituri kollha tas-servizzi attivi fis-swieq, dwar il-kopertura tas-servizzi universali u dwar is-servizz tar-ritorn u l-ipproċessar tal-ilmenti.

4.4.2

Il-ġbir tad-data għandu jsir abbażi tal-approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” mingħajr piżijiet addizzjonali u dupplikazzjonijiet burokratiċi. Il-KE għandha tivvaluta l-potenzjal u l-ispejjeż relatati mal-possibbiltà li jkun hemm assigurazzjoni b'rata fissa u bi spiża baxxa fuq il-konsenji transnazzjonali b'rabta mal-għoti ta' marka ta' kwalità Ewropea.

4.5   Azzjoni 4: l-interoperabilità fl-operazzjonijiet ta' konsenja tal-pakketti

4.5.1

Ikun tajjeb li l-operaturi tas-servizzi ta' konsenja u l-bejjiegħa onlajn jiżviluppaw soluzzjonijiet fuq bażi volontarja bil-għan li jikkollegaw is-sistemi ta' informazzjoni u l-interfaċċi miftuħa ma' sistema ta' konsenja u ta' ritorn bi spejjeż raġonevoli f'dak li jirrigwarda l-hekk imsejjaħ “last mile”.

4.5.2

Iżda, il-KESE huwa tal-fehma li dawn l-iżviluppi għandhom isiru abbażi ta' kriterji ta' interoperabbiltà definiti minn qabel fi ħdan qafas regolatorju komuni.

4.6   Azzjoni 5: protezzjoni aħjar tal-konsumatur

4.6.1

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-mandati ta' standardizzazzjoni tas-CEN kif ukoll dik li l-Istati Membri jingħataw linji gwida għall-implimentazzjoni sħiħa u uniformi tad-Direttiva 2011/83/UE, u li jitħeġġeġ l-użu iżjed mifrux ta' mekkaniżmi alternattivi ta' soluzzjoni tal-kunflitti fil-qafas tad-Direttiva 2013/11/UE dwar metodi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim.

4.6.2

Il-KESE jemmen li mhuwiex biżżejjed li s-soluzzjoni għall-problema tal-ilmenti tissejjes biss fuq il-fatt li: “l-operaturi tal-konsenja, il-bejjiegħa onlajn u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi (...) (flimkien) jiżguraw kooperazzjoni aħjar fir-rigward tat-trattament tal-ilmenti u s-sistemi ta’ protezzjoni tal-konsumatur”. Il-KESE huwa tal-fehma li tali kooperazzjoni hija pożittiva bil-kundizzjoni li ssir fi ħdan qafas regolatorju komuni.

Brussell, 10 ta' Lulju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 60

(2)  ODR: soluzzjoni online għat-tilwim, u ADR: Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim.

(3)  IMI: Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern.

(4)  Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni.

(5)  MEMO-13-1151, KE.

(6)  Stħarriġ tal-Ewrobarometru Speċjali 398 Suq Intern – Ottubru 2013.

(7)  COM(2011) 942 final, 11.1.2012.

(8)  Eurostat, stħarriġ dwar il-familji, 2009.

(9)  ĠU C 161 tas-6.6.2013, p.60

(10)  COM(2013) 886 final.

(11)  L-istudju f'livell dinji “2013 UPS Pulse of the Online Shopper: A Customer Experience Study”.

(12)  COM(2013) 886 final.

(13)  WIK Consult Final Report 8/2013.

(14)  Kunsill “Kompetittività” – konklużjonijiet dwar il-governanza tas-suq uniku u s-suq uniku diġitali, 30.5.2012 (mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  Riżoluzzjonijiet tal-PE 4.2.2014 2013/2043(INI), 11.12.2012 u 4.7.2013.

(16)  Riżoluzzjoni tal-PE 4.2.2014.

(17)  Ara Nota 1

(18)  Pożizzjoni komuni UE & l-Istati Uniti fiċ-Ċiklu ta' Doha, WTO, 2006.

(19)  ĠU C 161 tas-6.6.2013, p. 14

(20)  L-inizjattiva “e-Freight” 2010-2014 tas-seba' programm qafas ta' riċerka, b'31 imsieħeb minn 14-il-pajjiż, għandha l-għan li tqiegħed fin-netwerk is-soġġetti kollha li joperaw fil-loġistika permezz ta' pjattaformi onlajn interattivi u faċli li jintużaw mill-utenti. Waħda mir-rakkomandazzjonijiet tgħid li l-Kummissjoni Ewropea għandha toħroġ Direttiva jew strument simili mill-aktar fis li jiżgura li l-interfaċċi għall-punti uniċi ta' servizz fil-livell nazzjonali (l-hekk imsejħa National Single Windows) li jitwaqqfu minn issa 'l quddiem jużaw l-Iskema Komuni ta' Rappurtar – li ġiet żviluppata fi ħdan il-merkanzija onlajn – bħala l-format għall-input.


APPENDIĊI

għall-OPINJONI tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emenda li ġejja nċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 39(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 1.6

Ibdel it-test kif ġej:

1.6

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, lill-PE u lill-Kunsill li:

il-qafas regolatorju Ewropew, inklużi d-Direttivi Postali, jippermetti li l-operaturi kollha fis-settur ikollhom jiggarantixxi aċċess għas-suq uniku tal-konsenja tal-pakketti u jiżgura jiggarantixxi li tingħata attenzjoni partikolari lill-problemi tas-servizz univerali bi spejjeż raġonevoli, b'mod partikolari fir-rigward taż-żoni periferiċi, muntanjużi, gżejjer u dawk żvantaġġati;

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

35

Kontra:

67

Astensjonijiet:

10


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/59


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rapportar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli”

COM(2014) 40 final – 2014/0017 (COD)

(2014/C 451/09)

Relatur:

is-Sur IOZIA

Nhar il-25 ta' Frar 2014 u nhar is-27 ta' Marzu 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rapportar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli

COM(2014) 40 final – 2014/0017 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’183 vot favur, u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-Proposta għal Regolament ippreżentata mill-Kummissjoni, li għandha l-għan, flimkien mal-abbozz ta' Regolament dwar ir-riforma bankarja li miegħu hija marbuta mill-qrib, li tikkostitwixxi pakkett ta' miżuri sabiex is-sistema finanzjarja Ewropea ssir aktar trasparenti u reżiljenti fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (Securities Financing Transactions – SFT).

1.2

Huwa fl-interess primarju tas-suq u tal-ekomonija b'mod ġenerali li jkun hemm aktar informazzjoni simetrika fis-suq, li jiġi mmonitorjat ir-riskju tat-tranżazzjonijiet li jkunu għaddejjin u li jitnaqqas l-ambitu tat-tranżazzjonijiet bankarji li mhumiex trasparenti u regolamentati.

1.3

F'dan ir-rigward, il-KESE josserva li l-frażi “attivitajiet bankarji paralleli” tiżgwida u hija sors ta' nuqqas ta' fehim inutli fost il-pubbliku ġenerali. Huma ċerti tranżazzjonijiet bankarji li jitwettqu mill-banek u mill-entitajiet mhux bankarji li huma paralleli u mhux il-banek innifishom jew, bi preċiżjoni/aħjar, l-istituzzjonijiet finanzarji, peress li l-operaturi f'dan is-suq partikolari ta' spiss ma jkunux banek, bħall-fondi ħeġġ, il-fondi sovrani u l-kumpaniji finanzjarji li jispeċjalizzaw fis-suq tal-fondi monetarji jew f'dak tad-derivati strutturati u kumplessi. L-operaturi kollha huma magħrufa. Dak li ma jafx bih l-Istat huwa xi wħud mit-tranżazzjonijiet mhux regolamentati tagħhom.

1.4

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta' dan ir-Regolament, li jservi sabiex joħroġ fid-dieher il-movimenti tas-suq u l-oqsma ta' riskju eċċessiv, li jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet superviżorji tas-suq sabiex b'mod kontinwu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni u jintervjenu b'mod preventiv sabiex jitnaqqsu l-attivitajiet meqjusa b'mod ġenerali bħala eċċessivament riskjużi. Minn naħa, dan ir-Regolament għalhekk jipprovdi lis-suq bl-informazzjoni li ma tkunx disponibbli għall-Istat u min-naħa l-oħra joffri lill-awtoritajiet strument addizzjonali ta' analiżi u informazzjoni.

1.5

Daqstant importanti hija r-regolamentazzjoni dwar ir-riipotekazzjoni, jiġifieri l-użu temporanju ta' titoli fdati. L-obbligu li jinkiseb il-kunsens speċifiku tal-investituri li huma s-sidien tat-titoli jippermetti li jiġi evitat li jittieħdu riskji mhux previsti u li mhumiex imniżżlin b'mod ċar fil-kuntratt. Ir-riskju tal-kontroparti jsir parti essenzjali mill-valutazzjoni b'tali mod li tiġi eliminata, jew għallinqas illimitata ħafna, il-preżenza ta' operaturi li mhux daqstant affidabbli. Dan kollu huwa ta' benefiċċju għal reżiljenza globali tas-sistema b'mod ġenerali u tan-negozji li għandhom preżenza kbira fis-suq.

1.6

Fid-dawl tal-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni sabiex is-sistema finanzjarja tmur lura għar-rwol naturali tagħha bħala mexxejja tal-ekonomija u tal-prosperità tal-familji u tan-negozji, il-KESE jemmen li issa huwa iż-żmien li fl-Ewropa jitnieda “patt soċjali kbir għal finanzi sostenibbli”, fejn il-partijiet interessati kollha jiġu involuti fid-definizzjoni mill-ġdid tal-għanijiet u l-istrumenti. Il-waqgħa tar-reputazzjoni tal-banek, li hija murija f'sondaġġi u stħarriġiet innumerabbli li twettqu f'dawn l-aħħar snin, għandha tħeġġeġ lil dawk kollha involuti sabiex idawru l-paġna b'mod definittiv u jagħtu kont ta' għemilhom darba għal dejjem lis-soċjetà. Il-familji, in-negozji, iċ-ċittadini, il-ħaddiema u s-soċjetà inġenerali kollha qegħdin jappellaw għal sistema finanzjarja effiċjenti u affidabbli, li tikkontribwixxi għall-iżvilupp u għall-impjieg u li hija attenta ħafna għall-impatt soċjali u ambjentali tal-investimenti.

1.7

Il-KESE jirrikonoxxi l-impenn b'saħħtu tal-Kummissjoni fiż-żamma tal-wegħdiet li tippreżenta t-48 miżura leġislattiva inklużi fil-programm ta' ħidma fir-regolament il-ġdid. Bla dubju, il-ħidma kbira u notevoli li saret mid-DĠ għas-Suq Intern kienet ta' kwalità u f'kuntest diffiċli ħafna. Il-linji gwida ta' ħidma li ntużaw kienu l-bilanċ u l-effikaċja. Il-KESE jqis li din kienet storja ta' suċċess tal-attivitajiet tal-Kummissjoni u japprezza b'mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni tammetti li kien hemm “nuqqasijiet regolatorji kbar, superviżjoni ineffettiva, swieq mhux trasparenti u prodotti kumplessi żżejjed fis-sistema finanzjarja.”

1.8

Il-KESE jemmen li meta r-Regolament jiġi adottat, dan għandu jnaqqas ħafna r-riskju ta' arbitraġġ regolatorju u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkompli tfittex l-għan li timminimizza t-tranżazzjonijiet mhux regolati f'dak li huma l-oqsma effettivament marġinali tas-sistema finanzjarja Ewropea.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFT (1)), prinċipalment bi tliet modi:

jiġu monitorjati r-riskji li huma marbutin b'mod sistematiku mal-SFTs: ir-Regolament propost jeħtieġ li l-operazzjonijiet kollha relatati mal-SFT jiġu kkomunikati lil bażi ta' data ċentrali. Dan jippermetti lill-awtoritajiet superviżorji sabiex jidentifikaw aħjar ir-rabtiet bejn il-banek u l-operaturi tal-attivitajiet bankarji paralleli, u b'hekk joħorġu fid-dieher xi wħud mill-attivitajiet ta' ġbir ta' fondi ta' dawn tal-aħħar;

tiġi pprovduta informazzjoni lill-investituri li l-assi tagħhom qegħdin jintużaw fl-SFTs: skont il-Proposta, l-operazzjonijiet relatati mal-SFT imwettqa minn fondi ta' investiment jew minn strutturi oħra ekwivalenti għandhom jiġu deskritti f'rapporti ddettaljati. Dan għandu jtejjeb it-trasparenza għall-investituri, li mbagħad ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment iktar infurmati;

ir-riipotekazzjoni: ir-Regolament għandu l-għan li jtejjeb it-trasparenza tar-riipotekazzjoni ta' strumenti finanzjarji (kwalunkwe użu ta' pre-inadempjenza tal-kollateral min-naħa tal-benefiċjarju tal-kollateral għall-użu tiegħu stess) billi jistabbilixxi kundizzjonijiet minimi li għandhom jiġu sodisfati mill-partijiet interessati, inklużi ftehim bil-miktub u l-kunsens minn qabel għar-riipotekazzjoni. Dan għandu jiżgura li l-klijenti jew il-kontropartijiet jagħtu l-kunsens tagħhom qabel ma sseħħ ir-riipotekazzjoni. Barra minn hekk dawn ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet abbażi ta' informazzjoni ċara dwar ir-riskji li l-operazzjoni jista' jkollha.

3.   Introduzzjoni

3.1

Apparti l-proposta għar-riforma strutturali tas-settur bankarju tal-UE, il-Kummissjoni pproponiet ukoll miżuri komplementarji bil-għan li tissaħħaħ it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFT) u jiġi evitat li l-banek jaħarbu minn xi regoli billi jċaqalqu dawn l-attivitajiet lejn is-settur bankarju parallel. Din hija waħda mill-preokkupazzjonijiet prinċipali tal-Kummissjoni.

3.2

It-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli jinkludu diversi tipi ta' tranżazzjonijiet li għandhom effetti ekonomiċi simili. L-SFTs prinċipali huma s-self ta' titoli u l-ftehim ta' riakkwist (repos).

3.3

Is-self ta' titoli hija operazzjoni mbuttata prinċipalment mid-domanda tas-suq għal titoli speċifiċi u jiġi użat, pereżempju, għall-bejgħ jew ħlas fil-qosor. Ir-riakkwist jew ir-riakkwist bil-maqlub ġeneralment huwa mmotivat mill-bżonn li jittieħed self jew li jsir self b'mod sigur. Din il-prattika tikkonsisti fix-xiri/fil-bejgħ ta' strumenti finanzjarji kontra l-flus kontanti, filwaqt li jkun hemm ftehim minn qabel li l-istrumenti finanzjarji jinxtraw/jinbiegħu mill-ġdid bi prezz stabbilit minn qabel f'data futura speċifika.

3.4

L-SFTs jintużaw minn maniġers ta' fondi sabiex jinkiseb ritorn addizzjonali jew finanzjament addizzjonali. Pereżempju, it-tranżazzjonijiet ta' riakkwist ta' spiss jintużaw biex jinkisbu l-flus għal investiment ġdid. Fl-istess ħin, madankollu, dawn it-tranżazzjonijiet jistgħu joħolqu riskji ġodda, bħar-riskji tal-kontroparti jew ta' likwidità. Ġeneralment hija biss parti mill-gwadann addizzjonali li tkun attribwita għall-fond, iżda r-riskju sħiħ tal-kontroparti tinġarr mill-investituri tal-fond. Għalhekk l-użu ta' din it-tranżazzjoni tista' twassal għal bidla sinifikanti tal-profil tar-riskju u tal-gwadann.

3.5

Ir-rabta bejn il-proposta dwar ir-riforma strutturali tas-settur bankarju Ewropew u dan il-pakkett ta' miżuri hija ċara. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-riforma strutturali tas-settur bankarju Ewropew tipprojbixxi jew tikkostrinġi ċerti attivitajiet tal-banek. Madankollu, l-effett mixtieq jista' jonqos jekk dawn l-attivitajiet jiċċaqalqu minn gruppi bankarji regolati lejn is-settur ta' attivitajiet bankarji paralleli, fejn hemm inqas possibbiltà ta' kontroll min-naħa tas-superviżuri.

3.6

Il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) enfasizza li falliment diżordinat ta' entitajiet bankarji paralleli jista' jġorr riskju sistemiku, kemm direttament kif ukoll permezz tal-interkonnettività tagħhom mas-sistema bankarja regolari.

3.7

L-FSB issuġġerixxa wkoll li regolamentazzjoni bankarja eċċessivament rinfurzata tista' twassal biex xi attivitajiet bankarji jersqu lejn is-sistema bankarja parallela (2).

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa' l-Proposta għal Regolament dwar ir-rapportar u t-trasparenza ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli li, flimkien mar-Regolament dwar ir-riformi strutturali tas-sistema bankarja, għandha l-għan li żżid ir-reżiljenza tas-sistema bankarja, it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet u s-soluzzjoni ta' kriżi possibbli mingħajr ma jkun hemm piż addizzjonali fuq iċ-ċittadini.

4.2

Għalhekk, din l-Opinjoni hija marbuta mill-qrib mal-Opinjoni li l-KESE fassal dwar ir-Regolament dwar ir-riforma strutturali.

4.3

Il-KESE japprezza l-fatt li l-Kummissjoni tammetti li kien hemm “nuqqasijiet regolatorji kbar, superviżjoni ineffettiva, swieq mhux trasparenti u prodotti kumplessi żżejjed fis-sistema finanzjarja” qabel ma faqqgħet il-kriżi finanzjarja. Dawn huma l-argumenti li l-KESE beda juża sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, waqt li appella għal miżuri urġenti ta' intervent. Madankollu l-Kummissjoni naqset milli tagħti biżżejjed widen għat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet li setgħu evitaw problemi addizzjonali.

4.4

Il-KESE huwa konxju li l-forzi ekonomiċi, il-lobbies aggressivi u l-interessi kbar involuti ppruvaw jevitaw jew idewmu miżuri urġenti u neċessarji hekk kif faqqgħet il-kriżi. Minkejja kollox u bl-eċċezzjoni ta' xi ftit deċiżjonijiet li ma jistgħux jiġu approvati, il-Kummissjoni implimentat għadd sħiħ ta' miżuri mħabbra wara l-ħruġ tar-rapporti tal-grupp ta' Larosière u l-grupp ta' livell għoli ta' Liikanen.

4.5

Il-KESE jfaħħar il-Kummissarju Barnier talli żamm l-impenji tiegħu u d-Direttorat Ġenerali kollu għas-Suq Intern, responsabbli għall-proposti dwar ir-regolament finanzjarju, tal-ħidma eċċellenti li saret f'dan ir-rigward u talli fasslu għadd ta' miżuri koerenti u marbuta mill-qrib, bil-għan li jiġi kostitwit korp ta' liġi ta' kwalità għolja u effikaċja ċerta. L-effett kumpless tal-inizjattivi leġislattivi ser ikun li b'mod progressiv jiġu eliminati l-kawżi li ddeterminaw il-kriżijiet finanzarji tal-aħħar snin.

4.6

Il-KESE dejjem appoġġja l-bżonn li jkun hemm sistema finanzjarja li taħdem sew, orjentata li ssostni l-ekonomija reali, b'mod partikolari l-SMEs, li ssaħħaħ l-ekonomija soċjali u li toħloq il-postijiet ta' impjieg. L-industrija tal-kreditu għandha rwol kruċjali x'taqdi fil-provvista ta' servizz lis-soċjetà, waqt li għal darb'oħra ssir il-mutur u l-mexxejja tal-ekonomija reali bl-għarfien sħiħ tar-responsabbiltà soċjali li trid tiggarantixxi.

4.7

Il-KESE jemmen li ma tistax tiġi posposta bidla sħiħa fir-rapport tal-istituzzjonijiet finanzjarji maċ-ċittadini. In-nuqqas ta' fiduċja lejn il-banek u l-entitajiet l-oħra trid tinbidel minħabba li tista' twassal għal danni irreparabbli għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

4.8

Fid-dawl tal-ħafna pożizzjonijiet tiegħu dwar l-involviment tas-soċjetà ċivili, il-KESE jixtieq li jiġi żviluppat “patt soċjali għall-finanzi sostenibbli” fl-Ewropa, fejn il-partijiet interessati kollha jipparteċipaw fid-definizzjoni ta' sistema finanzjarja effiċjenti, reżiljenti, trasparenti u attenta għall-impatt ambjentali u soċjali tal-azzjonijiet tagħha.

4.9

Il-KESE jappoġġja bi sħiħ l-inizjattivi tal-Kummissjoni, li għandhom l-għan li jevitaw, minn naħa, ir-riskju tal-arbitraġġ regolatorju u, min-naħa l-oħra, iċ-ċaqliq ta' attivitajiet lejn qasam li bilkemm huwa regolat bħal dak tal-“operazzjonijiet paralleli” (shadow operations), li qegħdin ifittxu li jaħarbu mir-regoli dejjem aktar stretti li qegħdin jitnedew.

4.10

Fl-Opinjonijiet relatati ma' dan is-suġġett (3), il-KESE esprima b'ċarezza l-pożizzjoni tiegħu, jiġifieri li għandhom jitnaqqsu għall-minimu l-oqsma mhux regolati fis-settur finanzjarju.

4.11

Fit-tfassil tal-Prosposta għal Regolament, il-Kummissjoni kkunsidrat il-bżonn li jitnaqqsu għall-minimu l-ispejjeż addizzjonali għas-sistema finanzjarja, waqt li individwat is-soluzzjonijiet possibbli fl-infrastruttura bħar-repożitorji u fil-proċeduri eżistenti bil-għan li tinkiseb t-trasparenza fit-tranżazzjonijiet tal-prodotti finanzjarji derivati stabbiliti fir-Regolament 648/2012. Il-KESE jikkondividi dan l-approċċ li juri l-attenzjoni murija mill-Kummissjoni lejn l-operaturi u l-klijenti finali, li probabbilment ikollhom iġorru l-ispejjeż addizzjonali li joħorġu minn dan ir-Regolament.

4.12

Il-KESE jsostni li l-istabbiltà finanzjarja li tiġi minn trasparenza akbar fl-attivitajiet previsti mir-Regolament, bħall-operazzjonijiet ta' finanzjament ta' titoli, l-istrutturi l-oħra ekwivalenti ta' finanzjament u r-riipotekazzjoni, tiżdied b'mod effettiv, u b'hekk tissaħħaħ ir-reżiljenza globali tas-sistema u tal-operaturi individwali. L-inklużjoni tal-kontropartijiet kollha li joperaw fis-swieq finanzjarji tiggarantixxi informazzjoni kompleta dwar in-natura reali tat-tranżazzjonijiet u tal-profili tar-riskju li jassumu l-operaturi individwali.

4.13

Għal dawn ir-raġunijiet, dan ir-Regolament huwa essenzjali sabiex tiġi kkompletata l-effikaċja tar-Regolament dwar ir-riforma tal-istruttura tas-sistema bankarja, li jindirizza l-impriżi bankarji kbar biżżejjed sabiex jitqiesu li potenzjalment iġorru riskju sistematiku. Barra minn hekk, dan inaqqas ukoll l-possibbiltà li jintgħażel it-trasferiment lejn oqsma mhux regolati tas-sistema finanzjarja.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-Proposta għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFT), prinċipalment bi tliet modi:

5.1.1

jiġu monitorjati r-riskji sistemiċi għall-SFTs: ir-Regolament propost jeħtieġ li l-operazzjonijiet kollha relatati mal-SFT jiġu kkomunikati lil bażi ta' data ċentrali. Dan jippermetti lill-awtoritajiet superviżorji sabiex jidentifikaw aħjar ir-rabtiet bejn il-banek u l-operaturi bankarji li ġeneralment huma definiti bħala “paralleli”, u b'hekk joħorġu fid-dieher xi wħud mill-attivitajiet ta' ġbir ta' fondi ta' dawn tal-aħħar.

5.1.1.1

Il-KESE jqis li dan l-approċċ jgħin lill-awtoritajiet superviżorji jimmonitorjaw b'aktar effikaċja l-espożizzjonijiet u r-riskji assoċjati mal-SFTs waqt li tiġi garantita, jekk ikun hemm bżonn, azzjoni dedikata u fil-ħin.

5.1.1.2

Il-KESE jistaqsi jekk il-proposta biex tinżamm id-data fir-repożitorju tar-reġistru almenu għal 10 snin hijiex ġusta. Ir-Regolament tal-EMIR, pereżempju, jipprevedi obbligu ta' konservazzjoni tad-data għal 5 snin.

5.1.2

It-tixrid ta' informazzjoni lill-investituri li l-assi tagħhom huma marbutin f'SFTs: skont il-proposta, huwa possibbli li titjieb it-trasparenza għall-investituri dwar il-prattiki tal-fondi ta' investiment involuti fl-SFTs u strutturi oħra ekwivalenti ta' finanzjament billi jiġi mitlub rapport dettaljat dwar dawn it-tranżazzjonijiet. Dan għandu jwassal għal deċiżjonijiet ta' investiment aktar informati mill-investituri.

5.1.3

Ir-riipotekazzjoni: ir-Regolament għandu l-għan li jtejjeb it-trasparenza tar-riipotekazzjoni ta' strumenti finanzjarji (kwalunkwe użu ta' pre-inadempjenza (pre-default) tal-kollateral min-naħa tal-benefiċjarju tal-kollateral għall-użu tiegħu stess) billi jistabbilixxi kundizzjonijiet minimi li għandhom jiġu sodisfati mill-partijiet interessati, inklużi ftehim bil-miktub u l-kunsens minn qabel għar-riipotekazzjoni. Dan għandu jiżgura li l-klijenti jew il-kontropartijiet jagħtu l-kunsens tagħhom qabel ma sseħħ ir-riipotekazzjoni. Barra minn hekk dawn ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet abbażi ta' informazzjoni ċara dwar ir-riskji li l-operazzjoni jista' jkollha.

5.1.3.1

Sa mill-kollass ta' Lehman fl-2008, it-trasparenza u l-promozzjoni ta' “kultura ta' data” saru l-ordni tal-ġurnata fis-swieq finanzjarji u l-KESE jaqbel bis-sħiħ ma' din it-tendenza u jappoġġja totalment it-trasparenza mnaqqxa fil-mekkaniżmu propost u l-involviment tal-investitur permezz tal-kunsens espliċitu li għandu jingħata għal kull tranżazzjoni.

5.2

Is-swieq finanzjarji huma globali u għalhekk ir-riskji sistemiċi maħluqa minn entitajiet bankarji paralleli u l-attivitajiet għandhom jiġu indirizzati b'mod koordinat fil-livell internazzjonali. Il-KESE jemmen li huwa indispensabbli li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi involuti ħafna, sabiex magħhom ikun hemm ftehim dwar strateġija komuni u miżuri koerenti u, jekk possibbli, ekwivalenti.

5.3

Il-KESE jemmen li l-proposta hija konsistenti mar-Rakkomandazzjoni tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja. F'Awissu 2013, l-FSB adotta 11-il rakkomandazzjoni sabiex jiġu indirizzati r-riskji inerenti fis-self ta' titoli u l-ftehimiet ta' riakkwist. Ir-Regolament propost huwa konformi ma' erba' minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet (numri 1, 2, 5 u 7) relatati mat-trasparenza tas-swieq tal-finanzjament ta' titoli, l-iżvelar tal-informazzjoni lill-investituri u r-riakkwist.

5.4

Il-KESE jqis li l-piż amministrattiv li dan ir-Regolament jimponi fuq is-sistema finanzjarja mhuwiex eċċessiv, iżda jżid ma' piżijiet amministrattivi u ta' ġestjoni oħra imposti minn regolamenti oħra. Il-KESE jenfasizza r-riskju li dawn jinġarru, għallinqas parti minnhom, mill-familji u l-impriżi. Dan ifisser li jew is-sistema finanzjarja tkun aktar oneruża għall-utenti jew li jonqsu l-profitti tal-banek, li mhiex mixtieqa minħabba s-sitwazzjoni diġà diffiċli li s-sistema Ewropea ta' kreditu tinsab fiha attwalment.

5.5

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u l-maniġers tal-fondi ta’ investiment alternattivi (AIFM) fl-obbligi ta' komunikazzjoni fir-rigward tar-rapporti tagħhom, kif previst fid-Direttiva 2009/65/KE, li tirriformula l-leġislazzjoni fis-seħħ, u fid-Direttiva 2011/61/KE.

5.6

Punt ieħor importanti ħafna jirrigwarda s-sistema ta' sanzjonar, li, apparti li tkun effettiva, proporzjonata u diżważiva, għandha tinkludi għadd ta' miżuri minimi. L-Istati Membri għandhom l-għażla li jimponu sanzjonijiet amministrattivi riġidi kif ukoll li jintroduċu sanzjonijiet kriminali għal każijiet partikolarment serji. F'dan il-każ għandhom jiżguraw li l-informazzjoni tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet nazzjonali, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) u l-Kummissjoni.

5.7

Bħal fir-Regolament EMIR, il-KESE jinnota li l-Artikolu 24 dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet relatati mal-impożizzjoni tas-sanzjonijiet amministrattiv iħalli wisq diskrezzjoni f'idejn l-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu jfasslu konklużjonijiet differenti dwar l-istess każ, speċjalment jekk ikunu minn pajjiżi differenti. Liema valutazzjoni konkreta tista' ssir dwar l-ipperikolar/it-theddid għall- tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji?

5.8

Il-KESE jqis importanti u jappella lill-Kummissjoni li, kif previst fl-Artikolu 13 tal-EMIR, tinkludi l-prinċipju ta' ekwivalenza fil-Proposta, li attwalment huwa nieqes.

5.9

Filwaqt li japprezza li l-atti delegati previsti f'dan ir-Regolament huma limitati fl-ambitu u huma adegwati, il-KESE huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' żmien stabbilit għall-eżerċizzju ta' din id-delega. Il-KESE jfakkar li diġà esprima r-riżervi tiegħu dwar din il-kwistjoni f'diversi okkażjonijiet.

5.10

Il-KESE jaqbel mal-Artikolu 15 kollu, iżda jinnota r-riskju ta' tilwim possibbli bejn il-kontropartijiet fir-rigward tal-effikaċja u l-ekwivalenza ta' sistema differenti mill-firma u jissuġġerixxi li għall-inqas jingħataw xi eżempji ta' dawn il-mekkaniżmi alternattivi ekwivalenti pereżempju r-reġistrazzjoni telefonika jew iċ-ċertifikazzjoni telematika.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014

Il President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Securities financing transactions.

(2)  ĠU C 170, 05.06.2014, p. 55.

(3)  ĠU C 177, 11.06.2014, p. 42,ĠU C 170, 05.06.2014, p. 55 u l-Opijoni dwar ir-Riforma Strutturali tal-banek tal-UE (għaddejja bħalissa).


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea għal aktar tkabbir ekonomiku u impjiegi fit-turiżmu marittimu u kostali”

COM(2014) 86 final

(2014/C 451/10)

Relatur:

is-Sur BARROS VALE

Nhar is-7 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea għal aktar tkabbir ekonomiku u impjiegi fit-turiżmu marittimu u kostali

COM(2014) 86 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'189 voti favur u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

IL-KESE jilqa' b'sodisfazzjon din il-Komunikazzjoni, l-istess kif għamel għall-Komunikazzjonijiet preċedenti tal-2010 u l-2012, peress li fil-fehma tiegħu huma importanti l-inizjattivi li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tat-turiżmu marittimu u kostali.

1.2

Filwaqt li huwa konxju tal-limiti imposti mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-KESE jappoġġja l-miżuri mressqin fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Madankollu, xorta waħda jixtieq jagħmel xi rakkomandazzjonijiet u jagħti xi ftit twissijiet bil-għan li jikkontribwixxi għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tat-turiżmu kostali u marittimu, kif previst fl-Istrateġija Ewropa 2020.

1.3

Jeħtieġ li l-Ewropa tagħmel użu tajjeb mir-riżorsi naturali tagħha u tippromovi l-aqwa postijiet fejn in-natura u l-ġestjoni tat-territorju f'żoni kostali u marittimi jinsabu f'armonija. Peress li ż-żoni kostali għandhom importanza strateġika partikolari mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali, is-soluzzjonijiet għall-problemi f'dawn l-oqsma għandhom jagħmlu parti minn politika integrata ta' żvilupp sostenibbli, fejn il-ġestjoni tat-territorju, il-bilanċ bejn l-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-bqija tal-attivitajiet kostali u l-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-ippjanar urban huma ta' importanza partikolari. It-tibdil fil-klima attwali u ġejjieni li qed jolqot, xi kultant b'mod negattiv, iż-żoni kostali b'linji tal-kosta li qed jitnaqqru ma għandux jiġi sottovalutat peress li jinvolvi adattazzjonijiet radikali li jieħdu fit-tul.

1.4

Kif diġà qal fil-passat, il-KESE jtenni l-idea li titwaqqaf aġenzija Ewropea tat-turiżmu, li fiha jipparteċipaw il-partijiet interessati kollha, bħall-konfederazzjonijiet tat-turiżmu, ir-reġjuni turistiċi, l-awtoritajiet tat-turiżmu u t-trejdjunjins tas-settur. It-twaqqif ta' tali korp jista' jixpruna l-promozzjoni tal-Ewropa fid-dinja.

1.5

Forsi wasal iż-żmien li tiġi kkunsidrata politika konġunta ġenwina għat-turiżmu li, filwaqt li tħares l-ispazju ta' libertà nazzjonali, tqis is-settur b'mod globali, billi toħloq sinerġiji u tikkoordina l-politiki ta' kull Stat Membru. Kull sena jkun hemm ideat frammentati li ma jwasslu mkien minħabba n-nuqqas ta' netwerking u ta' strateġija konġunta dwar it-turiżmu li tista' tippromovi marka Ewropea ta' destinazzjonijiet turistiċi tradizzjonali u mhumiex, wirt storiku u gastronomija u li, fl-istess ħin, tindirizza kwalunkwe pubbliċità negattiva li tinqala' minn żmien għal ieħor.

1.6

It-tkabbir tat-turiżmu tal-massa, megħjun bil-qawwa mill-emerġenza ta' linji tal-ajru li joffru prezzijiet irħas, għandu jiġi sfruttat, billi jinħolqu jew jiġu promossi netwerks tat-trasport li jikkollegaw żoni li jagħmlu użu minn ajruporti ma' żoni iżjed remoti, u b'hekk ir-reġjuni inkwistjoni jkunu jistgħu jinkludi fid-destinazzjonijiet turistiċi tagħhom żoni mbiegħda, u b'hekk isiru attraenti għat-turisti, u jsir possibbli li ż-żjarat lejn destinazzjonijiet urbani u kostali jiġu kkombinati fl-istess vjaġġ. Huwa essenzjali li l-informazzjoni dwar il-konnessjonijiet eżistenti tkun disponibbli f'post wieħed bil-għan li titħeġġeġ il-mobbiltà. Il-KESE jenfasizza l-bżonn urġenti li tiġi riveduta l-leġislazzjoni dwar l-għoti tal-viżi, bil-għan li jkun iżjed faċli għat-turisti mhux Ewropej li jivvjaġġaw, b'mod partikolari għat-turisti miċ-Ċina u swieq emerġenti oħra.

1.7

Għandha tingħata attenzjoni speċjali liż-żoni remoti, b'mod partikolari fit-Tramuntana tal-Ewropa, pereżempju, il-kundizzjonijiet ambjentali ta' eċċellenza, l-iffaċilitar tat-trasport, id-disponibbiltà ta' tagħmir, komunikazzjoni u netwerks tal-WiFi li jattiraw it-turiżmu u jikkontribwixxu biex il-popolazzjonijiet jibqgħu jgħixu b'mod permanenti f'dawn ir-reġjuni.

1.8

Hemm bżonn urġenti ta' ġestjoni ġenwina tal-portijiet turistiċi minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni dwar l-eżistenza ta' marini u dwar kif il-portijiet huma konnessi ma' xulxin, li jagħmel l-aċċess għall-jottijiet u għall-bastimenti tal-kruċieri diffiċli. Il-fatt li l-portijiet ma jiġux ġestiti b'mod adegwat huwa ta' xkiel għall-iżvilupp tat-turiżmu u l-moviment tal-persuni u l-beni. Il-Kummissjoni tista' tindirizza din il-kwistjoni mill-angolu tas-suq uniku u l-politiki tal-moviment liberu, u għandha tħabrek biex issewwi n-nuqqasijiet eżistenti.

1.9

Iż-żieda esponenzjali fit-turiżmu tal-kruċieri qed toħloq sitwazzjonijiet ġodda li l-impatt tagħhom għad irid jiġi analizzat b'mod adegwat. Għalkemm il-fatt li iżjed turisti qed iżuru ċerti portijiet huwa importanti għall-iżvilupp taż-żoni kostali, huwa essenzjali li jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt dannuż li t-traffiku tat-turisti fl-iżjed staġuni popolari jisgħu jikkawżaw fiż-żoni li jżuru. Jinħtieġu preparattivi adatti biex jiġu trattati r-riskji tat-tniġġis tal-ilma u l-arja mill-karburant użat mill-bastimenti l-kbar tal-kruċieri u r-riskji ambjentali marbutin mal-eluf ta' persuni li jżuru d-destinazzjonijiet turistiċi. Hemm bżonn ukoll ta' sforz biex tiġi kkoordinata l-informazzjoni dwar il-portijiet ta' waqfa ta' dawn il-bastimenti mal-aġenziji tat-turiżmu lokali, sabiex jiġu evitati flussi ta' turisti minn bastimenti tal-kruċieri li jaslu fl-istess ħin bħal oħrajn, li jistgħu jorganizzaw iż-żjarat tagħhom f'ħinijiet differenti tal-ġurnata.

1.10

Il-miżura proposta li jsir stħarriġ dwar il-bżonnijiet ta' taħriġ u titwaqqaf sezzjoni ta' “impjiegi blu” fil-Portal tal-EURES hija importanti, iżda huwa essenzjali wkoll li l-Kummissjoni tippubliċizza dan b'mod massiv u tniedi kampanji ta' sensibilizzazzjoni fl-Istati Membri dwar il-bżonn li r-riżultati tal-istħarriġ jiġu inklużi fil-politiki interni tagħhom dwar it-taħriġ. Il-miżuri ta' taħriġ li għandhom jiġu appoġġjati, li għandhom ikunu mmirati mhux biss lejn il-persunal tal-kumpaniji u l-istituzzjonijiet fil-qasam tat-turiżmu iżda wkoll lejn min iħaddem fis-settur, għandhom jinkludu, minbarra s-suġġetti li jsaħħu l-kwalità tas-servizz turistiku, suġġetti li jgħinu jippromovu l-Ewropa bħala destinazzjoni turistika. Għandu jiġi enfasizzat li s-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tat-turiżmu, il-wirt Ewropew u l-ambjent għandha tibda sa mill-edukazzjoni obbligatorja bil-għan li ż-żgħażagħ jiġu mgħallma dwar dan minn età żgħira.

1.11

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni tat-turiżmu tal-kruċieri, l-Ewropa għandha ssegwi mill-qrib il-politiki tal-impjieg li jħaddnu l-kumpaniji tal-kruċieri. L-impjieg taż-żgħażagħ Ewropej jista' u għandu jiġi protett f'settur li qed jikber u li għandu potenzjal kbir ta' impjegabbiltà.

1.12

Il-KESE jtenni l-importanza ta' ċerti dispożizzjonijiet li jistgħu jegħlbu l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur tat-turiżmu, u t-turiżmu kostali u marittimu b'mod partikolari, pereżempju:

il-promozzjoni ta' pjattaforma Ewropea b'informazzjoni integrata dwar konnessjonijiet bit-triq, il-ferrovija, il-baħar u l-ajru – id-diffikultajiet ta' mobbiltà marbutin mal-flussi tat-turisti jxekklu l-iżvilupp ta' reġjuni mbiegħda b'potenzjal kbir għat-turiżmu, b'mod partikolari fit-Tramuntana tal-Ewropa, minħabba nuqqas ta' informazzjoni dwar it-trasport disponibbli, id-diffikultajiet relatati mal-koordinazzjoni tat-trasport jew saħansitra n-nuqqas tiegħu;

il-promozzjoni tat-turiżmu ambjentali u sostenibbli, it-turiżmu soċjali, it-turiżmu marittimu, it-turiżmu kulturali u sportiv, l-ivvjaġġar għall-finijiet ta' negozju, it-turiżmu tal-“benesseri” jew terapewtiku, it-turiżmu storiku, kulturali, reliġjuż jew gastronomiku;

inċentivi għat-turiżmu għaċ-ċittadini mdaħħlin fl-età u l-persuni b'diżabbiltà, mobbiltà mnaqqsa jew bżonnijiet speċjali;

ir-rikonoxximent tal-wirt kulturali Ewropew u l-patrimonju uniku tagħha li jiddistingwina minn reġjuni oħra, u l-protezzjoni u l-promozzjoni tiegħu bħala destinazzjoni turistika ta' eċċellenza;

enfasi fuq il-promozzjoni tas-sigurtà li l-Ewropa tista' toffri lill-viżitaturi meta jkunu qed jivvjaġġaw u matul iż-żjara tagħhom, u b'relazzjoni għall-kwalità tal-ilma u s-sikurezza tal-ikel, il-kura medika, farmaċewtika u dik ipprovduta l-isptar, is-sigurtà personali u r-rispett għall-persuni u d-drittijiet fundamentali tagħhom.

1.13

Il-KESE jaqbel li jsir studju dwar il-preferenzi tat-turisti li jżuru jew għandhom il-ħsieb li jżuru l-Ewropa, li juri x'għamlu u x'ma għoġobhomx, ir-raġunijiet għala kieku jerġgħu jmorru jew dawk li jimpedixxuhom milli jagħmlu dan, u għala forsi jippreferu destinazzjonijiet mhux Ewropej. Dan l-istudju, li għandu jitqassam mill-operaturi turistiċi, il-portijiet u l-marini, l-assoċjazzjonijiet u l-awtoritajiet tat-turiżmu, il-gvernijiet u l-awtoritajiet Ewropej differenti jagħmilha possibbli nitgħallmu dwar l-imġiba u l-karatteristiċi tat-turisti, bil-għan li jservi bħala appoġġ għat-teħid tad-deċiżjonijiet u għat-tfassil ta' strateġiji konġunti għall-iżvilupp tas-settur.

1.14

Il-KESE jitlob ukoll li, bħala parti minn dibattitu dwar it-turiżmu u l-miżuri li għandhom jittieħdu, issir rabta bejn it-turiżmu marittimu u kostali u t-turiżmu tax-xmajjar, u jittieħed vantaġġ minn dak li għandhom x'joffru x-xmajjar u l-estwarji, bħala komplement għall-attivitajiet taż-żoni kostali. L-opportunitajiet li jipprovdu x-xmajjar jagħmluha possibbli li jiġu żviluppati prodotti ġodda bħall-kruċieri gastronomiċi, it-turiżmu rurali u l-ekoturiżmu, filwaqt li ż-żoni estwarji joffru valur kbir f'dak li jirrigwarda l-pajsaġġi u l-edukazzjoni u huma ideali għall-osservazzjoni tal-għasafar u l-bijodiversità li jikkaratterizzaw lil dawn il-postijiet.

2.   Introduzzjoni

2.1

Din il-Komunikazzjoni, li ssegwi dik tal-2010 (1), li fiha tħabbret strateġija għal turiżmu kostali u marittimu sostenibbli, u dik tal-2012 dwar “It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu” (2), tittratta wieħed mill-ħames setturi tal-ekonomija l-blu identifikati għal intervent prijoritarju: it-turiżmu kostali u marittimu.

2.2

Is-settur tat-turiżmu diġà ġie identifikat bħala katina importanti ta' valur li għandu l-potenzjal jiġġenera tkabbir u impjieg b'mod sostenibbli. It-turiżmu kostali u marittimu jirrappreżenta l-ikbar attività marittima fl-Ewropa, u jimpjega kważi 3,2 miljun ruħ, li kważi nofshom huma żgħażagħ. Dan is-settur, li jiġġenera EUR 183 elf miljun ta' valur miżjud gross, huwa magħmul l-iżjed minn mikrointrapriżi u SMEs, u fih joperaw iżjed minn terz tal-intrapriżi kollha tal-Ewropa relatati mat-turiżmu.

2.3

Il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tidentifika l-isfidi li jiffaċċja s-settur, jiġifieri: it-tħeġġiġ tal-prestazzjoni u l-kompetittività permezz tat-titjib tal-għarfien, l-indirizzar tal-volatilità tad-domanda u l-frammentazzjoni fis-settur; il-promozzjoni tal-ħiliet u l-innovazzjoni; it-tisħiħ tas-sostenibbiltà billi jiġu indirizzati l-pressjonijiet ambjentali, u tiġi promossa offerta innovattiva, sostenibbli u ta' kwalità għolja; u l-iskoperta ta' opportunitajiet fir-restrizzjonijiet ġeografiċi bħalma jirrappreżentaw il-gżejjer u ż-żoni ultraperiferiċi.

2.4

Hija tittratta wkoll kwistjonijiet relatati mal-użu tal-fondi tal-UE u l-integrazzjoni tal-politiki tal-UE li għandhom impatt fuq it-turiżmu kostali u marittimu.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

It-tkabbir blu, li jħaddan setturi tradizzjonali u setturi emerġenti u li qed jiżviluppaw, huwa sfida kumplessa u ambizzjuża li għandha tiġi indirizzata permezz ta' approċċ integrat. L-iżvilupp taż-żoni kostali għandu jqis l-interessi tad-diversi setturi involuti, mingħajr ma jitwarrbu kwistjonijiet ambjentali, u għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-ġestjoni tat-territorju u tal-qasam marittimu, li jiddeterminaw il-prodotti turistiċi offruti. Għandha tingħata attenzjoni lid-dimensjoni intersettorjali meħtieġa għal din il-kwistjoni, għax mingħajr il-protezzjoni tal-użu tal-art u l-ħarsien ambjentali la jista' jiġi żviluppat it-turiżmu kostali u lanqas kwalunkwe tip ieħor ta' turiżmu. Filwaqt li ċertament huwa importanti li tintuża enerġija rinnovabbli – li għandha tiġi promossa b'mod intensiv – għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-post fejn titqiegħed l-infrastruttura, b'mod li jkun possibbli l-iżvilupp ta' attivitajiet turistiċi marittimi. Għandu jiġi evitat li jitpoġġew impjanti tal-enerġija nukleari fiż-żoni ta' attrazzjonijiet turistiċi.

Jeħtieġ li jkun hemm bilanċ dinamiku fiż-żoni kostali, peress li t-temp u l-attivitajiet tal-bniedem huma sorsi ta' tibdil kontinwu. Ir-riżorsi naturali jipprovdu s-sisien għall-ekonomiji u, flimkien mal-innovazzjoni, għandhom jitqiesu bħala pilastri għal tkabbir intelliġenti u soċjalment inklużiv.

3.2

Il-problemi ewlenin fil-qasam tat-turiżmu baqgħu l-istess matul is-snin: il-bżonn li jingħelbu l-isfidi tal-fluttwazzjonijiet staġjonali; l-impjieg prekarju bi ftit li xejn kwalifiki (l-iżjed fost iż-żgħażagħ); in-nuqqas ta' prodotti ġodda u innovattivi; u d-diffikultajiet ta' aċċess għall-finanzi, b'mod partikolari għall-mikrointrapriżi u l-SMEs, Għalhekk, huwa kruċjali li jiġi stabbilit qafas politiku Ewropew għall-iżvilupp tat-turiżmu, politika Ewropea ġenwina dwar it-turiżmu, li torjenta l-istrateġiji konġunti ta' żvilupp filwaqt li tirrispetta l-libertà tal-Istati Membri li jiżviluppaw il-politika tagħhom fil-livell nazzjonali.

3.3

Il-ġlieda kontra l-fluttwazzjonijiet staġjonali fit-turiżmu marittimu u kostali għandu jinvolvi prodotti ġodda biex jitħajru konsumaturi ġodda, l-iżjed fl-istaġun batut. L-iżvilupp ta' prodotti ġodda għat-turiżmu tal-persuni mdaħħlin fl-età jew ta' gruppi żvantaġġati, l-isfruttar tal-potenzjal tat-turiżmu nawtiku, kemm jekk tbaħħir għal skopijiet ta' rikreazzjoni (bastimeni bil-qlugħ jew bil-mutur), sport nawtiku (tbaħħir bid-dinghy, windsurfing, kite-surfing, surfing, bodyboarding, qdif, qdif tal-kenuri, skijjar fuq l-ilma, power boating, sajd sportiv, kaċċa u għadis f'qiegħ il-baħar, inkluż ukoll għadis f'postijiet fejn hemm bastimenti nawfragati f'qiegħ il-baħar) jew vjaġġi jew kruċieri bil-bastimenti, u l-iżvilupp ta' turiżmu marbut mal-ispas jew il-golf u mat-turiżmu ambjentali huwa mod kif jista' jiżdied l-għadd ta' viżitaturi fl-istaġun batut, u b'hekk l-abitanti jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu b'mod permanenti fir-reġjuni li jiddependu mit-turiżmu. Anke l-għajnuna għall-iżvilupp, l-iżjed fiż-żoni remoti, ta' industriji ġodda orjentati lejn it-turiżmu li jużaw prodotti minn żoni kostali u l-aċċess universali għal netwerks tal-broadband jistgħu jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-fluttwazzjonijiet staġjonali u jkunu fattur li jattira liż-żgħażagħ lejn dawn iż-żoni.

3.4

Xi wħud minn dawn l-attivitajiet nawtiċi inqas tradizzjonali diġà ġew żviluppati b'mod wiesa' minn klabbs sportivi lokali li l-għarfien espert tagħhom jista' jsir użu siewi minnu. L-appoġġ lit-turiżmu nawtiku għandu jiġi konkretizzat u għandu jiġi rregolat, u għandhom jinħolqu infrastrutturi ġodda u jiġu modernizzati dawk li diġà jeżistu, kif ukoll jiġu pprovduti opportunitajiet ġodda biex tali attivitajiet ikunu jistgħu jsiru disponibbli, għaliex huma attraenti ħafna għall-gruppi inqas tradizzjonali tal-popolazzjoni.

It-turiżmu marittimu u kostali huwa marbut, f'għadd ta' postijiet, mat-turiżmu tax-xmajjar. Ir-rabtiet mill-qrib bejn dawn iż-żewġ attivitajiet ma għandhomx jiġu injorati, u huwa rakkomandat li jiġu stabbiliti strateġiji komuni ta' żvilupp. It-tbaħħir ta' rikreazzjoni, minn din il-perspettiva, huwa attività li għandha tingħata spinta, bl-iżvilupp ta' prodotti ġodda li jikkombinaw il-potenzjal tal-attivitajiet tal-baħar u tax-xmajjar.

3.5

It-turiżmu ma jistax jiġi kkunsidrat b'mod separat, iżda pjuttost bħala settur milqut minn għadd ta' politiki tal-UE, b'mod partikolari t-trasport, l-impjieg, l-edukazzjoni, l-ambjent, l-innovazzjoni, is-sikurezza u l-politiki tal-konsumatur, fost affarijiet oħra. Dawn il-problemi għandhom jiġu indirizzati permezz ta' approċċ integrat, peress li l-miżuri tal-politiki differenti jinfluwenzaw b'mod dirett il-prestazzjoni tas-settur.

3.6

Peress li ma għandhiex kompetenzi biex tintervjeni direttament fit-turiżmu, il-Kummissjoni tista' ssolvi wħud mill-problemi permezz ta' miżuri li huma fil-kompetenza tagħha rigward il-promozzjoni tas-suq uniku, jiġifieri b'relazzjoni għall-moviment liberu tal-persuni u l-beni, u għanijiet relatati mal-ħolqien tas-suq uniku, u tittratta kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-qasam tat-turiżmu u jolqtu oqsma oħra fejn, mhux biss hija possibbli li tittieħed azzjoni, iżda hija mixtieqa wkoll.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

L-informazzjoni dwar is-settur tat-turiżmu hija pjuttost frammentata, u dan jagħmilha diffiċli li jsiru studji u valutazzjonijiet, peress li jew hemm nuqqas ta' data inkella ta' indikaturi speċifiċi li jagħmlu possibbli li jsiru paraguni. Il-KESES jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni li dan in-nuqqas jissewwa, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minn mindu ġiet ippubblikata l-Komunikazzjoni fl-2010 li fiha ġiet identifikata din il-problema, ftit li xejn kien hemm progress f'dan ir-rigward.

4.2

L-isforzi tal-Kummissjoni biex tippromovi t-turiżmu ta' kwalità għolja li l-Ewropa tista' toffri jista' jagħmel kontribut għat-tnaqqis tal-fluttwazzjonijiet staġjonali u l-problemi soċjali u ekonomiċi relatati ma' dan. L-Ewropa qed tiffaċċja kompetizzjoni minn destinazzjonijiet ġodda fil-pajjiżi emerġenti, li joffru prezzijiet baxxi li huma attraenti iżda mhux l-istess livell ta' sikurezza jew ġid kulturali. Il-promozzjoni tal-Ewropa bħala destinazzjoni turistika għandha tissejjes fuq il-kwalità bħala l-element li jiddistingwi lill-Ewropa u fuq l-akbar assi tal-Ewropa: il-wirt kulturali uniku, is-sikurezza, id-diversità tas-servizzi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-faċilitajiet ta' aċċess għall-persuni b'diżabbiltà u bżonnijiet speċjali, u d-disponibbiltà ta' telekomunikazzjoni u netwerks tal-WiFi. Jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-wirt kulturali tal-Ewropa, u l-preservazzjoni tiegħu huwa fundamentali għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli u inklużiv.

4.3

Għandha tingħta attenzjoni speċjali wkoll lit-turiżmu tal-persuni mdaħħlin fl-età. Fi żmien ta' tixjiħ demografiku, għandu jkun hemm enfasi speċjali fuq it-turiżmu relatat mas-saħħa u fuq il-wirt kulturali u naturali meta jkunu qed jiġu żviluppati strateġiji għas-settur. Fl-aħħar nett, huma turisti ta' 'l fuq minn 50 sena li l-iżjed li jonfqu u huma ċ-ċittadini mdaħħlin fl-età li għandhom l-iżjed ħin biex jivvjaġġaw u li jippreferu jagħmlu dan fl-istaġun batut.

4.4

Is-suq tal-kruċieri kiber b'mod sostanzjali. Madankollu, l-impatt reali tal-portijiet ta' waqfa fuq l-attivitajiet kostali huwa żgħir, peress li waqfiet bħal dawn huma qosra u n-negozji lokali ma jiġux reklamati kif imiss. Il-promozzjoni tad-djalogu bejn l-operaturi tal-kruċieri, il-portijiet u l-partijiet interessati fit-turiżmu kostali kif propost fil-Komunikazzjoni huwa importanti, u għandu jsir fil-qafas tal-iżvilupp ta' sħubijiet transnazzjonali u interreġjonali, netwerks, clusters u strateġiji bi speċjalizzazzjoni intelliġenti li jiġġieldu l-frammentazzjoni tas-settur. Huwa ġenwinament effettiv li ssir ħidma f'netwerk, u t-turiżmu għandu jagħmel użu minn din il-possibbiltà. Tali appoġġ jista' jiġi promoss bħala parti mill-attivitajiet tal-aġenzija Ewropea tat-turiżmu proposta hawn fuq, li sservi ta' pjattaforma għal dibattitu wiesa' dwar il-problemi tas-settur u bħala bażi għan-netwerks u l-kooperazzjoni.

4.5

It-taħriġ ta' persunal ikkwalifikat huwa kruċjali għal tkabbir sostenibbli u inklużiv. Is-settur tat-turiżmu qed jiffaċċja diffikultajiet partikolari biex isib ħaddiema kwalifikati, peress li jimpjega għadd kbir ta' żgħażagħ f'xogħol staġjonali u impjiegi prekarji, bi ftit li xejn opportunitajiet għal avvanz fil-karriera. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tas-sezzjoni “impjiegi blu” fil-portal tal-EURES u l-istħarriġ dwar il-bżonnijiet ta' taħriġ fis-settur tat-turiżmu. Huwa jirrakkomana li l-Istati Membri jintalbu jinkludu r-riżultati tal-istħarriġ meta jkunu qed jippromovu l-opportunitajiet ta' taħriġ iffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew u sorsi privati oħra, u li jkun hemm inċentivi għall-iskejjel eżistenti biex jaħdmu flimkien f'netwerks u proġetti relatati mas-settur tat-turiżmu taħt il-programm Erasmus +. Dan għandu jinkludi wkoll it-taħriġ għal min iħaddem fis-settur li jiffamiljarizzahom ma' prattiki tajbin ta' ġestjoni li jistgħu jadottaw, taġġornahom dwar il-leġislazzjoni fis-seħħ u l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tagħmilhom konxji tal-ambjent u kwistjonijiet speċifiċi fis-settur tat-turiżmu.

4.6

Rigward il-problema li l-Istati Membri jeħtieġu kompetenzi differenti għall-kaptani tal-bastimenti, il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni mhijex ambizzjuża biżżejjed fil-proposti tagħha. Għalkemm ma hemm l-ebda dubju li s-setgħat tal-Kummissjoni huma limitati fil-qasam tat-turiżmu, ma nistgħux ngħidu l-istess f'dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-persuni u l-ħolqien tas-suq uniku, l-oqsma li jkopru din il-kwistjoni.

4.7

Għandu jkun hemm inċentivi għall-użu ta' sistemi ta' ġestjoni innovattivi permezz tal-portal ta' inizjattiva “ICT and Tourism Business”. Għandu jiġi osservat li dan il-portal, promoss mill-Kummissjoni, u bosta siti elettroniċi relatati mat-turiżmu bħall-Osservatorju Virtwali tat-Turiżmu, il-pjattaforma TourismLink u l-pjattaforma eCalypso, ma ġewx tradotti bil-lingwi kollha, liema fatt jista' jkun ta' xkiel jew ta' disinċentiv għall-utenti ta' ċerti pajjiżi.

4.8

Is-sostenibbiltà tat-turiżmu kostali u marittimu għandu jissejjes fuq ir-rispett sħiħ tal-ambjent, u ż-żoni terrestri u marittimi għandhom jitqiesu bħala li huma interkonnessi. It-tisħiħ tas-sostenibbiltà permezz tal-miżuri proposti huwa ta' importanza kbira għall-iżvilupp ta' prodotti ġodda, inkluż il-ġid patrimonjali Ewropew u r-rispett tal-ambjent. Għal darb'oħra, huwa ċar li l-miżuri f'oqsma oħra bħall-ambjent, il-baħar u t-trasport huma marbutin mat-turiżmu; għalhekk, fl-inizjattivi tagħha, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-konsegwenzi għas-settur tat-turiżmu.

4.9

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni tat-turiżmu fl-għanijiet speċifiċi tal-programm COSME għall-perjodu 2014-2020, u jqis dan bħala opportunità importanti għall-iżvilupp tas-settur billi tiġi appoġġjata l-promozzjoni ta' proġetti fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-adozzjoni ta' mudelli sostenibbli ta' żvilupp turistiku promossi mid-Destinazzjonijiet Ewropej ta' Eċċellenza. It-tħejjija ta' gwida onlajn bl-opportunitajiet prinċipali ta' finanzjament jistħoqqilha wkoll l-appoġġ tal-KESE, fid-dawl tan-natura trasversali potenzjali tal-inizjattivi fil-qasam tat-turiżmu. Għal darb'oħra, għandu jiġi osservat li l-ostakli lingwistiċi jistgħu jxekklu l-konsultazzjoni u l-interpretazzjoni tal-gwida onlajn.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2010) 352 final – Opinjoni tal-KESE: ĠU C 376, 22.12.2011, p. 44

(2)  COM(2012) 494 final – Opinjoni tal-KESE: ĠU C 161, 6.6.2013, p. 87


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekononomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – It-twettiq tal-potenzjal tal-finanzjament kollettiv fl-Unjoni Ewropea”

COM(2014) 172 final

(2014/C 451/11)

Relatur:

is-Sur Mendoza Castro

Nhar l-14 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – It-twettiq tal-potenzjal tal-finanzjament kollettiv fl-Unjoni Ewropea

COM(2014) 172 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2014

. Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'195 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'mod pożittiv il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jenfasizza l-potenzjal tat-tkabbir tal-finanzjament kollettiv fl-UE bħala sors alternattiv ta' finanzjament.

1.2

Il-KESE jenfasizza l-benefiċċji tal-finanzjament kollettiv għall-ekonomija permezz tal-investiment, l-innovazzjoni u l-impjieg, u fl-istess waqt il-konsumatur tal-kreditu jkollu iżjed opportunitajiet ta' għażla.

1.3

L-aċċess universali għall-finanzjament kollettiv ser jevita li l-persuni b'diżabilità jiġu esklużi minn dan is-sors ta' finanzjament.

1.4

L-intrapriżi tal-UE jiddependu ħafna aktar mis-self bankarju milli l-intrapriżi tal-Istati Uniti u għalhekk l-effetti tar-reċessjoni f'każ ta' kriżi finanzjarja huma aktar serji. Barra minn hekk, bosta pajjiżi tal-UE ta' spiss ikunu wisq restrittivi f'dak li jirrigwarda l-kreditu għall-SMEs.

1.5

Il-KESE jenfasizza li l-SMEs jiddependu mis-self bankarju u din hija sitwazzjoni li ser tissokta minkejja li jkun hemm sorsi alternattivi, li mhux dejjem ikunu aċċessibbli faċilment.

1.6

Il-finanzjament kollettiv jimplika kontribuzzjoni għall-ekosistema finanzjarja li ma tistax waħedha ssolvi l-problemi finanzjarji tal-intrapriżi.

1.7

L-intrapriżi li għadhom kif jiftħu (start-ups), l-innovaturi żgħażagħ u l-intrapriżi ta' ekonomija soċjali jaqdu rwol sinifikanti fl-Aġenda 2020 u fl-Aġenda Diġitali.

1.8

Il-finanzjament kollettiv mingħajr redditu finanzjarju huwa mifrux ħafna fl-UE. Għandu jiġi studjat l-impatt tal-inċentivi fiskali, li jvarjaw fost l-Istati Membri.

1.9

Il-leġislazzjoni Ewropea għandha tkopri biss tipi speċifiċi ta' finanzjament kollettiv ta' redditi finanzjarji u mhux id-donazzjonijiet u forom oħra ta' sponsorizzar mingħajr skop ta' qligħ.

1.10

Il-leġislazzjoni trid tkun ibbażata fuq il-bilanċ, waqt li jiġu protetti l-investituri u tiġi evitata r-regolazzjoni eċċessiva. Madankollu, l-azzjonijiet tar-regolaturi huma fundamentali sabiex titrawwem il-fiduċja tal-investituri.

1.11

L-għanijiet tar-regoli huma li jkun hemm proċeduri amministrattivi sempliċi, proċeduri rapidi ta' deċiżjonijiet u l-inqas spejjeż possibbli. Għandhom l-għan ukoll li jkunu newtrali, trasparenti u li jevitaw il-prattiki inġusti, bi proċeduri aċċessibbli għat-tressiq tal-ilmenti. Dan kollu jibbenefika kemm lill-fornituri kif ukoll lill-konsumaturi.

1.12

L-investituri potenzjali għandhom jirċievu informazzjoni aċċessibbli, ċara, adegwata, eżatta u mhux qarrieqa.

1.13

Il-KESE jissuġġerixxi li l-UE tikkomplementa l-azzjoni meħuda mill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw l-inizjattivi mingħajr skop ta' qligħ li jippromovu l-valuri bħall-impjieg, is-solidarjetà, il-pluraliżmu, id-demokrazija u l-libertà.

1.14

Il-finanzjament kollettiv għandu jiġi rikonoxxut b'mod speċifiku fil-leġislazzjoni tal-Istati Membri bħala l-forma ġdida ta' patroċinju li hu.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-aħħar snin kien hemm tendenza fejn ċerti forom ta' produzzjoni bdew jimxu mill-intrapriżi lejn l-individwi, u dawn bdew jissejħu “prosumaturi” (1).

2.2

Din ġiet aċċellerata bl-introduzzjoni tal-internet, li wassal għall-hekk imsejħa “ekonomija kollaborattiva”, fejn persuna tiddeċiedi li taqsam mal-oħrajn ass li huwa fil-pussess tagħha, xi kultant bi skambju għall-flus. Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv: mudell ta' sostenibbiltà għas-seklu XXI” (2) u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (3).

2.3

F'dan il-kuntest fuq l-internet qed jiffjorixxu ammont ta' intrapriżi li għadhom kif jiftħu peress li l-internet ta' spiss jippermetti proċess ta' diżintermedjazzjoni li permezz tiegħu l-individwi jistgħu jagħmlu skambju ta' beni diġitali kif ukoll fiżiċi. Sfortunatament, bil-għan li ma ssirx ħsara lill-fiduċja, jinħtieġ tingħata attenzjoni għall-użu mhux xieraq li l-“avventuriera” jistgħu jagħmlu minn dan il-qasam tal-internet.

2.4

Anke fil-qasam finanzjarju qegħdin joħorġu fid-dieher metodi oħra bħall-ħruġ ta' bonds b'rendiment għoli fis-suq primarju Ewropew jew lokalment permezz tas-suq alternattiv ta' dħul fiss li nħoloq reċentement fi Spanja.

2.5

Is-self dirett jippermetti lill-intrapriżi jiffinanzjaw lilhom innifishom permezz ta' negozjati bilaterali ma' aġenti speċjalizzati fis-suq u permezz tad-diżintermedjazzjoni bankarja; jew l-aktar għażla alternattiva tal-finanzjament kollettiv, fejn investituri ġeneralment żgħar jingħaqdu flimkien permezz tal-internet sabiex jallokaw flus imfaddla lil dawk li jitolbu s-self.

3.   Il-Komunikazzjoni fi ftit kliem

3.1

Il-Green Paper dwar “Il-finanzjament fuq terminu twil tal-ekonomija Ewropea” (4) nediet dibattitu wiesa' dwar il-fatturi differenti li jippermettu lill-ekonomija Ewropea tgħaddi l-fondi lejn l-investiment meħtieġ sabiex jiġi żgurat tkabbir ekonomiku (5).

3.2

Skont il-Kummissjoni, il-finanzjament kollettiv huwa sejħa miftuħa lill-pubbliku – normalment permezz ta' sit elettroniku – fejn jintalbu fondi għal proġetti speċifiċi jew investimenti ta' negozju. B'dan il-mod, il-pjattaformi jew il-kampanji ta' finanzjament ipoġġu f'kuntatt varjetà ta' investituri mhux professjonali mal-promoturi tal-proġett. Madankollu, għandu jiġi evitat li jsir użu mhux xieraq minnhom.

3.3

L-iktar forom komuni ta' finanzjament kollettiv huma:

id-donazzjonijiet;

il-patroċinju (reklamar bi skambju għal finanzjament);

il-gwadanji (jiġi rċevut oġġett jew servizz li jkun jiswa inqas mill-kontribuzzjoni);

qabel il-bejgħ (jiġu rċevuti fondi sabiex jitnieda prodott fuq is-suq);

self bl-interessi jew mingħajr;

investimenti f'intrapriżi (xiri ta' bonds jew ishma).

3.4

Vantaġġi: huwa forma alternattiva ta' finanzjament ikkaratterizzat mill-flessibbiltà u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà u għandu varjetà kbira ta' forom. Barra minn hekk, il-finanzjament kollettiv jilħaq direttament lill-konsumatur, jiffaċilita l-istudji tas-suq u jagħmel possibbli l-aċċess għall-kreditu minn dawk li jkollhom diffikultajiet kbar f'dan ir-rigward.

3.5

Iżda jippreżenta wkoll riskji u sfidi: il-possibbiltà ta' frodi jew ħasil ta' flus, l-ineżistenza ta' suq sekondarju, eċċ.

3.6

Ir-regoli Ewropej relatati ma' din il-kwistjoni jkopru, fost affarijiet oħra, il-prospett fl-offerti pubbliċi għall-ishma (6), il-MiFID (7), is-servizzi Ewropej ta' ħlas (8), il-kreditu għall-konsumaturi (9)u s-self ipotekarju (10).

3.7

Il-prijoritajiet stabbiliti fil-Green Paper: li jiġi stabbilit grupp ta' esperti sabiex jinkisbu pariri dwar diversi aspetti; li jiżdiedu l-għarfien u l-informazzjoni; li jiġu evalwati r-regolamenti fis-seħħ fl-Istati Membri sabiex jitqies jekk hemmx bżonn ta' miżuri fil-livell Ewropew.

3.8

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, fl-UE, il-finanzjament kollettiv għadu marġinali meta mqabbel mas-self bankarju iżda huwa “promettenti” meta mqabbel ma' sorsi oħra, bħall-investituri informali (business angels) jew il-kapital ta' riskju.

3.9

L-iżvilupp tal-finanzjament kollettiv irid jiffaċċja sfidi differenti, bħan-nuqqas tat-trasparenza tar-regoli applikabbli, ir-rwol li għandu jaqdi fis-suq intern u l-integrazzjoni tiegħu fl-ekosistema finanzjarja.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jieħu nota tal-Komunikazzjoni u jaqbel mal-bżonn li jitjieb l-għarfien dwar mezz ta' finanzjament b'potenzjal ta' tkabbir fl-Ewropa. Jaqbel ukoll li l-mudelli alternattivi ta' finanzjament jistgħu jgħinu lill-intrapriżi li għadhom kif jiftħu jitilgħu fl-“iskala tal-finanzjament”.

4.2

Id-data tikkorrobora n-natura “marġinali” li l-Green Paper talloka lill-finanzjament kollettiv li, fl-2012, kien ta' EUR 735 miljun (11), imqabbla mas-EUR 6  000 biljun ta' self bankarju lil istituzzjonijiet mhux finanzjarji (12).

4.3

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat it-tkabbir tiegħu. B'mod ġenerali, il-finanzjament kollettiv żdied b'mod gradwali, minn USD 530 miljun fl-2009 għal totali stmat ta' USD 5,1 biljun fl-2013, li jfisser rata ta' tkabbir annwali totali ta' 76 %. Mil-lat ġeografiku, l-ikbar suq kien l-Amerika ta' Fuq (u, fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-Istati Uniti) b'60 % tat-total, segwit minn dak Ewropew, b'36 % (13).

4.4

Il-finanzjament kollettiv huwa ta' benefiċċju għall-ekonomija peress li huwa sors alternattiv ta' finanzjament għas-sorsi tradizzjonali li jippromovu l-investiment, l-innovazzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi. Għandu jiġi enfasizzat ukoll l-impatt potenzjali tiegħu fuq l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-ekonomija soċjali, l-intrapriżi tal-artiġjanat u l-mikrointrapriżi (14).

4.5

Jeħtieġ li tiġi promossa u mħeġġa l-aċċessibbiltà universali sabiex tiġi garantita l-parteċipazzjoni fil-pjattaformi tal-finanzjament kollettiv ta' persuni b'diżabilità, u b'hekk jiġi evitat li jibqgħu esklużi milli jipparteċipaw f'din il-forma ġdida ta' finanzjament, u dan jirrappreżenta opportunità oħra għat-tielet settur.

4.6

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li r-rappreżentanti tal-SMEs ikunu inklużi fil-grupp ta' esperti. Jeħtieġ li f'dan il-grupp tkun rappreżentata kemm il-parti tal-offerta kif ukoll dik tad-domanda.

5.   Struttura finanzjarja u tkabbir ekonomiku

5.1

L-istruttura finanzjarja hija marbuta mill-qrib mat-tkabbir ekonomiku u mal-effetti tal-kriżi. Fl-Istati Uniti l-intrapriżi jiksbu ħafna aktar finanzjament mis-swieq tal-kapital minn dawk fl-UE, li jiddependu ħafna iktar mis-self bankarju. L-importanza relatata mal-finanzjament mill-banek tvarja minn inqas minn 20 % fl-Istati Uniti għal aktar minn 60 % f'xi Stati Membri tal-UE.

5.2

Il-banek għandhom iktar tendenza li jsellfu matul reċessjoni “normali” u b'hekk itaffu l-impatt fuq l-ekonomija. Bla dubju, is-sitwazzjoni tinbidel meta l-kriżi ekonomika tkun assoċjata ma' kriżi finanzjarja. F'dan il-każ, ir-reċessjonijiet fil-pajjiżi orjentati lejn sistemi bankarji jkunu tliet darbiet agħar minn dawk fil-pajjiżi li għandhom struttura finanzjarja orjentata lejn is-suq (15).

5.3

Fl-UE, in-nuqqas ta' finanzjament suffiċjenti jwassal għat-tieni l-akbar problema (wara l-ilħuq tal-konsumaturi, li hija l-ewwel waħda) għall-intrapriżi (16).

5.4

Jekk il-Bank Ċentrali Ewropew jinjetta l-likwidità fis-sistema finanzjarja biex jiffaċilita l-kreditu għall-intrapriżi, mingħajr dubju din tkun miżura favorevoli ħafna għall-ekonomija Ewropea.

6.   Il-finanzjament kollettiv b'redditu finanzjarju

6.1   Il-finanzjament tal-SMEs

6.1.1

Il-KESE indirizza l-problemi tal-finanzjament f'diversi opinjonijiet fejn ġiet enfasizzata l-importanza tal-SMEs għall-ekonomija Ewropea (17).

6.1.2

Ir-restrizzjoni tal-kreditu (credit crunch) tagħmel ħsara lill-ekonomija u, b'mod partikolari, lill-SMEs peress li għal dawn is-self bankarju (li ta' spiss ikun diffiċli jinkiseb) jikkostitwixxi sors fundamentali ta' finanzjament. Din hija waħda mir-raġunijiet taż-żieda sostanzjali fil-qgħad li jolqot partikolarment lil ċerti Stati Membri tal-UE.

6.1.3

Peress li ġeneralment jinvolvi investiment bi kwantità mnaqqsa, il-finanzjament kollettiv huwa bażikament orjentat lejn l-SMEs – u b'mod partikolari l-mikrointrapriżi – li jikkostitwixxu l-maġġoranza vasta tan-nisġa intraprenditorjali Ewropea (99,8 % tal-intrapriżi kollha mhux finanzjarji fl-UE-28) u li l-kontribut tagħhom għall-impjieg huwa kruċjali, fid-dawl tal-fatt li jirrappreżentaw 67,2 % tal-forza tax-xogħol (18).

6.1.4

Il-KESE jinnota li jeżistu pożizzjonijiet xettiċi dwar l-effettività tas-sorsi finanzjarji alternattivi. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-finanzjament fuq terminu twil tal-ekonomija Ewropea” (19) ġiet meqjusa bħala pass 'il quddiem iżda li mhux biżżejjed għall-assoċjazzjoni Ewropea tal-SMEs, li skonthom il-finanzjament kollettiv ser jintuża minn numru “żgħir” ta' intrapriżi, filwaqt li l-intrapriżi li għadhom kif jiftħu huma biss 1 % tal-SMEs (20).

6.2   Il-finanzjament tal-intrapriżi li għadhom kif jiftħu

6.2.1

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li l-Unjoni u l-Istati Membri jippromovu u jappoġġjaw il-finanzjament kollettiv speċjalment fil-każ ta' intrapriżi innovattivi li jkunu għadhom kif fetħu. L-intrapriżi li jkunu għadhom kif fetħu mmirati lejn ir-riċerka u l-iżvilupp ta' proġetti ta' teknoloġija avvanzata – li huma fost l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali – huma ta' interess speċjali għall-Unjoni minħabba l-kapaċità potenzjali tagħhom sabiex jippromovu t-tkabbir u l-impjieg. Madankollu dan ma jistax jeskludi lis-setturi tradizzjonali jew lill-artiġjanat għax huma wkoll jistgħu jkunu innovattivi ħafna.

6.2.2

Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-UE u lill-Istati Membri sabiex jippromovu u jappoġġjaw il-finanzjament kollettiv għall-iżvilupp u t-tħeġġiġ tal-innovazzjoni soċjali, tal-innovaturi żgħażagħ u tal-ekonomija soċjali. L-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali għandhom rwol importanti x'jaqdu fl-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex tinkiseb l-inklużjoni soċjali u jiġu inklużi l-gruppi vulnerabbli permezz tal-ħolqien tal-impjieg, u b'hekk jirrikonċiljaw il-valur soċjali u dak ekonomiku.

6.2.3

Il-finanzjament kollettiv, li mhuwiex adegwat biex jiffinanzja l-funzjonament ta' kuljum ta' intrapriża, huwa speċjalment adegwat għal dawn it-tipi ta' inizjattivi, li f'ħafna każijiet huma promossi minn intraprendituri żgħażagħ li jfittxu li jiżviluppaw proġett intraprenditorjali konkret.

7.   Il-finanzjament kollettiv fl-ekosistema finanzjarja tal-UE

7.1

Il-KESE josserva li l-finanzjament kollettiv jista' jaqdi rwol ta' ċerta rilevanza bħala sors ta' finanzjament flimkien ma' forom oħra mhux tradizzjonali, bħall-investituri informali, il-kapital ta' riskju jew is-self win-win (21), eċċ. Iżda attwalment, l-ikbar problema li jridu jiffaċċjaw l-awtoritajiet ekonomiċi u monetarji, apparti r-restrizzjoni tal-kreditu, huma l-garanziji għoljin mitluba.

7.2

Fl-UE, il-promozzjoni tal-mezzi mhux bankarji ta' finanzjament tista' tikkontribwixxi sabiex tiġi enfasizzata t-tendenza – li ilha għoxrin sena – li li l-intrapriżi jduru lejn is-swieq tal-kapital. Jeħtieġ li jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti ta' solvenza sabiex jiġi żgurat il-pagament lura tal-kapital investit u tiġi provduta ċertezza legali akbar għal dan is-sors ta' finanzjament.

8.   Il-finanzjament kollettiv b'redditu mhux finanzjarju

8.1

Id-donazzjonijiet, is-self mingħajr interess jew it-trasferiment b'xejn tad-drittijiet jistgħu jintużaw għal proġetti ta' natura kummerċjali, iżda normalment ser jinvolvu kontribuzzjonijiet solidarji għall-inizjattivi soċjali promossi minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ. Il-patroċinju jista' jintuża biex jiġu promossi l-ħolqien jew it-tkomplija ta' attivitajiet kulturali jew sportivi.

8.2

Il-finanzjament kollettiv huwa mudell ta' finanzjament komuni fost l-intrapriżi soċjali. Il-potenzjal ta' dan l-approċċ, speċjalment fir-rigward ta' intraprenditorija inklużiva, għandu jiġi vvalutat fil-kuntest usa' tal-Inizjattiva tal-Intrapriża Soċjali.

8.3

Peress li d-donazzjonijiet u ċerti forom ta' investiment jiġu ttrattati b'mod differenti fl-Istati Membri fir-rigward tat-taxxi, il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi studjat l-impatt tal-inċentivi fiskali.

9.   Kummenti speċifiċi

9.1   Il-bżonn ta' leġislazzjoni Ewropea

9.1.1

Il-finanzjament kollettiv jista' jiġi promoss biss bħala alternattiva vijabbli ta' finanzjament jekk titrawwem il-fiduċja tal-investituri. Il-korp regolatur għandu jaqdi rwol fundamentali f'dan ir-rigward.

9.1.2

Il-Kummissjoni ssemmi “azzjonijiet futuri” possibbli li tadotta wara li tkun taf il-fehma tal-grupp ta' esperti. Il-KESE jqis li t-tisħiħ tal-finanzjament kollettiv transkonfinali bla dubju ser jeħtieġ leġislazzjoni li tarmonizza l-kriterji li diġà adottaw (jew qegħdin jagħmlu dan) l-Istati Membri. F'dawn is-“swieq ġodda” għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-interess u lill-protezzjoni tal-konsumaturi.

9.1.3

Din l-armonizzazzjoni tista' tikkonsisti fl-adozzjoni ta' regolament dwar il-pjattaformi ta' finanzjament kollettiv għal redditu finanzjarju li tal-inqas jinkludi:

l-arranġamenti;

is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti;

il-limiti fuq il-kwantità;

l-obbligi ta' informazzjoni (inklużi l-kunflitti potenzjali ta' interess);

l-esklużjonijiet mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu;

il-projbizzjonijiet (speċjalment il-projbizzjoni tal-akkwist u l-pubblikazzjoni ta' proġetti relatati);

l-esiġenza ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;

ir-rekwiżiti finanzjarji: u

l-obbligu ta' reġistru pubbliku (pubbliċità u trasparenza).

9.1.4

L-attivitajiet ta' sponsorizzar u oħrajn mingħajr redditu finanzjarju għandhom jiġu esklużi minn leġislazzjoni eventwali Ewropea peress li m'għandhomx ir-riskji assoċjati ma' dawk b'redditu finanzjarju. L-irregolaritajiet potenzjali li jistgħu jinqalgħu diġà huma koperti mil-leġislazzjoni amministrattiva u kriminali tal-Istati Membri.

9.1.5

Il-KESE jissuġġerixxi li r-regolamentazzjoni dwar il-finanzjament kollettiv tiġi kkunsidrata essenzjalment fl-aspetti li ġejjin:

il-ħruġ jew ix-xiri ta' titoli f'kumpaniji b'ishma konġunti (xiri ta' bonds jew ishma),

il-ħruġ jew xiri ta' titoli f'kumpaniji b'responsabbiltà limitata,

is-self b'interessi (lill-individwi jew negozji).

9.1.6

Leġislazzjoni Ewropea eventwali għandha tkun flessibbli u bbilanċjata, li tevita kemm ir-regolamentazzjoni eċċessiva (li tista' tkun ta' ostaklu għall-użu mifrux tal-finanzjament kollettiv) kif ukoll in-nuqqas ta' protezzjoni tal-investituri. Dan ifisser li għandha tkun oġġettiva, trasparenti, proporzjonata għall-għanijiet li jiġġustifikawha u b'livell għoli ta' protezzjoni tal-investituri.

9.1.7

Taħt kull ċirkustanza, l-investituri għandhom ikunu konxji tal-fatt li qatt ma' jista' jiġi eskluż ċertu livell ta' riskju.

9.1.8

Il-prinċipji fundamentali huma proċeduri amministrattivi sempliċi u t-tnaqqis kemm jista' jkun tal-burokrazija. Barra minn hekk hemm bżonn ta':

kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;

tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi;

proċeduri qosra għat-teħid ta' deċiżjonijiet.

9.1.9

Ir-regoli għandhom jiżguraw li l-pjattaformi ta' finanzjament kollettiv jaġixxu skont il-prinċipji bażiċi ta':

newtralità;

diliġenza;

tiftix tal-aħjar interessi tal-klijenti, li għandhom ikunu infurmati kif imiss;

nuqqas ta' prattiċi kummerċjali inġusti fil-marketing;

proċeduri aċċessibbli ta' tressiq ta' lmenti.

9.1.10

L-informazzjoni għall-investituri potenzjali għandha tkun:

ċara u rilevanti;

f'waqtha u kompluta;

oġġettiva u eżatta;

mhux qarrieqa bl-azzjoni jew l-ommissjoni.

9.1.11

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' dawk li jqiegħdu l-proġetti fuq l-internet għandhom jibqgħu protetti meta jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar il-ħolqien tal-brevett uniku Ewropew.

9.2   Il-promozzjoni tas-sorsi finanzjarji alternattivi

9.2.1

Il-KESE jqis utli li l-awtoritajiet pubbliċi jwettqu kampanji li jippromovu l-finanzjament kollettiv bil-għan li l-intrapriżi jitħeġġu aktar jużaw is-swieq tal-kapital. B'mod speċjali għandhom jipprovdu informazzjoni adatta lill-SMEs bil-kooperazzjoni tal-organizzazzjonijiet tagħhom.

9.2.2

It-taħriġ għall-intraprendituri kif ukoll għall-investituri – u b'mod partikolari għall-intraprendituri f'sitwazzjoni ta' żvantaġġ – ukoll ser jaqdi rwol essenzjali sabiex il-finanzjament kollettiv jiġi integrat fl-ekonomija Ewropea. Dn ifisser li r-riżorsi neċessarji għandhom jiġu destinati għat-trasferiment tal-għarfien adegwat kemm għall-amministrazzjoni tal-pjattaformi kif ukoll għall-evalwazzjoni effettiva tar-riskji tal-operazzjonijiet.

9.2.3

Il-finanzjament kollettiv mingħajr redditu finanzjarju

Il-KESE jenfasizza li:

jista' jgħin jippromovi l-valuri komuni Ewropej, bħas-solidarjetà, il-pluraliżmu, id-demokrazija u l-libertà. Għal dan il-għan, huwa importanti li l-Unjoni tadotta, anke f'dan il-qasam, miżuri li jikkomplementaw il-miżuri li adottaw l-Istati Membri, waqt li jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' pjattaformi ta' interess Ewropew għall-proġetti li għandhom l-għan li jsaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali jew territorjali, fejn l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, it-trejdjunjins u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili organizzata jistgħu jaqdu rwol attiv.

Huwa għaqli li l-finanzjament kollettiv jiġi rikonoxxut b'mod speċifiku fil-leġislazzjoni tal-Istati Membri bħala l-metodu ġdid ta' patroċinju li hu, mhux biss fil-forma iżda wkoll fis-sustanza, peress li nistgħu nitkellmu dwar l-innovazzjoni fil-prodotti u l-proċessi. Din hija xi ħaġa li trid tiġi rikonoxxuta u appoġġjata mill-Istati Membri.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

HENRI MALOSSE


(1)  Alvin Toffler, The Third Wave, p. 86 et seq.

(2)  ĠU C 177, 11.6.2014, p.1

(3)  Riżoluzzjoni tal-PE dwar aġenda ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur – 2012/2133(INI).

(4)  COM(2013) 150 final.

(5)  Ara l-Opinjoni tal-KESE, ĠU C 327, 12.11.2013, p. 11

(6)  Id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 345, p. 64) emendata bid-Direttiva 2010/73/UE (ĠU L 327/1).

(7)  Id-Direttiva 2004/39/KE (ĠU L 145/1).

(8)  Id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 319/1).

(9)  Id-Direttiva 2008/48/KE (ĠU L 133/66).

(10)  Proposta għal Direttiva COM(2011) 142 final.

(11)  Massolution (2013), Crowdfunding Industry Report 2012, http://www.crowdsourcing.org/research

(12)  European Banking Federation Facts and Figures (2012): http://www.ebf-fbe.eu/uploads/FF2012.pdf

(13)  http://www.bruegel.org/nc/blog/detail/article/1330-the-crowdfunding-phenomenon

(14)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE dwar “Il-fondi għan-negozju: investigazzjoni dwar mekkaniżmi ta' provvista alternattivi” u “Il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea”.

(15)  Financial structure and growth. BIS Quarterly Review, Marzu 2014.

(16)  BCE: Survey on the access to finance of SMEs in the euro area, 2013.

(17)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 23; ĠU C 27, 3.2.2009, p. 7; ĠU C 351, 15.11.2012; ĠU C 48, 15.2.2011, p.33.

(18)  Eurostat: Structural business statistics overview, Diċembru 2013.

(19)  COM(2014) 168 final.

(20)  UEAPME, Komunikazzjoni tas-27.3.2014.

(21)  http://www.bofidi.be/en/nieuws-3/recent-posts/148-winwinloananinterestingalternativemethodoffinancing


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/76


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tagħmir personali protettiv”

COM(2014) 186 final – 2014/0108 (COD)

(2014/C 451/12)

Relatur:

is-Sinjura Butaud-Stubbs

Nhar it-2 ta' April 2014 u nhar l-24 ta' April 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tagħmir personali protettiv

COM(2014) 186 final – 2014/0108 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Lulju (seduta ta’ fil-9 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’191 vot favur, u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jikkunsidra opportun l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea biex tissostitwixxi d-Direttiva tal-1989 dwar l-apparat (it-tagħmir) personali protettiv (PPE) jiġifieri “kwalunkwe tagħmir jew apparat maħsub biex jintlibes jew jinżamm minn individwu għal protezzjoni kontra periklu jew perikli ta' sigurtà” b'regolament sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni vinkolanti u uniformi mal-Istati Membri kolha.

1.2

Il-KESE jemmen li l-biċċa l-kbira mill-bidliet proposti huma pożittivi:

allinjament dwar qafas komuni għal-leġislazzjoni applikabbli għall-prodotti,

kjarifika tar-responsabbiltajiet tal-operaturi kollha privati u pubbliċi involuti fil-passi ta' verifika tal-konformità tal-PPE mal-ħtiġiet li jinsabu fil-proposta għal Regolament u l-annessi tagħha,

introduzzjoni ta' żewġ kategoriji ġodda ta' PPE: PPE magħmul apposta u PPE personalizzat;

il-perjodu l-ġdid ta' ħames snin ta' validità taċ-ċertifikati ta' konformità.

1.3

Madankollu, il-KESE jistaqsi dwar ir-rilevanza ta' ċerti emendi proposti:

l-inklużjoni tal-PPE manifatturat għall-użu privat kontra s-sħana, l-umdità u l-ilma,

il-varjetà ta' reġimi tal-lingwa użati għall-informazzjoni differenti li trid tiġi kkomunikata,

1.4

Barra minn dan, il-Kumitat jikkunsidra wkoll li l-użu tal-PPE għandu jkun integrat bħala parti minn politika ġenerali ta' prevenzjoni tar-riskji fil-post tax-xogħol li tkopri:

l-identifikazzjoni preċiża tal-fatturi ta' riskju,

l-adattament tal-postijiet tax-xogħol sabiex titnaqqas l-espożizzjoni għar-riskju,

il-bidla tal-organizzazzjoni tax-xogħol,

it-taħriġ tal-impjegati fil-prevenzjoni tar-riskju, l-ergonomija u għall-ilbies u l-użu tal-PPE.

1.5

Dawn l-għanijiet kollha huma wkoll fil-qalba tal-qafas ġdid ta' politika tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol 2014-2020 adottat fis-6 ta' Ġunju 2014 u jkun mixtieq li ssir referenza għall-proposta għar-Regolament COM (2014) 186 final. Ifakkar li fl-2013 3 miljun ħaddiem kienu vittmi ta' inċident serju fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

1.6

Huwa wkoll ta' dispjaċir in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni ekonomika għas-suq tal-PPE Ewropew li fl-2010 ġie stmat għal madwar EUR 10 biljun, u li qed jiżdied, misjuq mill-innovazzjoni teknoloġika (fibri ġodda, tessuti intelliġenti, nanomaterjal ...) u orjentat kemm għar-rispons għall-ħtiġijiet ta' protezzjoni kif ukoll għat-talbiet tas-soċjetà għall-kumdità, li jkun komdu għall-mixi, il-ħeffa u l-estetika.

1.7

Il-KESE jiddeplora wkoll in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni biżżejjed tal-proċeduri ta' manutenzjoni, monitoraġġ u reviżjoni tal-PPE, fil-każ li PPE jintużaw minn bosta persuni kif ukoll dak ta' PPE użati.

2.   Kontenut tal-proposta għal Regolament

2.1   Il-merti u l-limitazzjonijiet tad-Direttiva tal-1989

2.1.1

Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ibbażat fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat tfittex li tirrimedja n-nuqqasijiet fil-funzjonament tas-Suq Uniku għat-tagħmir personali protettiv.

2.1.2

Id-Direttiva 89/686/KEE dwar apparat protettiv personali ġiet adottata fil-21 ta' Diċembru 1989. Saret applikabbli għalkollox mill-1 ta' Lulju 1995.

2.1.3

Tiddefinixxi l-PPE bħala “kwalunkwe tagħmir jew apparat maħsub biex jintlibes jew jinżamm minn individwu għal protezzjoni kontra periklu jew perikli ta’ sigurtà”.

2.1.4

Hija tistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali ta' sigurtà li l-PPE għandu jissodisfa sabiex jitqiegħed fis-suq u jiċċirkola liberament fis-suq uniku. Il-PPE għandu jiġi ddisinjat u manifatturat f’konformità mal-esigenzi tad-Direttiva. Il-manifatturi għandhom iwaħħlu t-tikketta CE u jipprovdu lill-utenti bl-istruzzjonijiet għall-ħżin, l-użu, it-tindif, il-manutenzjoni, is-servisjar u d-diżinfettar tal-PPE.

2.1.5

Mill-1995, tfaċċjaw għadd ta' diffikultajiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva:

differenzi ta' interpretazzjoni fil-traspożizzjonijiet nazzjonali tad-Direttiva li wasslu għal frammentazzjoni tas-suq uniku,

nuqqas ta' fehim mill-manifatturi u l-awtoritajiet notifikati b'ċerti dispożizzjonijiet,

esklużjoni ta' ċerti kategoriji ta' PPE li mhux dejjem tidher ġustifikata (l-istess tagħmir protettiv kien meqjus bħala PPE meta kien użat minn professjonist (eż. ingwanti għall-ħasil tal-pjatti f'ristorant) filwaqt li ma kienx meqjus bħala PPE meta użat minn individwu.

2.1.6

Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea timmira li taħdem għas-semplifikazzjoni, u għandha tallinja d-Direttiva tal-1989 fuq il-qafas legali ġdid li jiddefinixxi qafas komuni għal-leġislazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni relatata mal-prodotti.

2.2   Kontenut tal-proposta għal Regolament

2.2.1   Kamp ta' applikazzjoni rivedut

2.2.1.1

Il-PPE ddisinjat u mmanifatturat għall-użu privat kontra s-sħana, l-umdità u l-ilma fil-kondizzjonijiet mhux estremi issa huma inklużi (ingwanti għall-ħasil tal-platti, ingwanti għall-forn, bwiez tal-lastku ...) filwaqt li l-elmi biex jipproteġu utenti ta' vetturi bil-mutur b'żewġ jew tliet roti issa huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni minħabba regolament applikabbli tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.2.2   Allinjament mad-dispożizzjonijiet tas-soltu tal-leġislazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni relatata mal-prodotti

2.2.2.1

L-obbligi tal-operaturi ekonomiċi kollha kkonċernati: il-manifatturi, l-aġenti, l-importaturi u d-distributuri huma definiti skont l-atti ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-prodotti. Tabilħaqq, mill-2008, il-qafas leġislattiv il-ġdid huwa strument orizzontali tas-suq intern li jimmira li jtejjeb l-effettività tal-leġislazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-prodott (ir-Regolament KE Nru 765/2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u d-Deċiżjoni Nru 768/2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti).

2.2.3   Tqassim ġdid skont il-klassi ta' riskju għall-proċeduri ta' valutazzjoni għall-konformità

2.2.3.1

Il-PPE huwa maqsum fi tliet kategoriji ta' riskju u kull kategorija hija parti minn proċedura ta' ċertifikazzjoni separata.

Kategoriji ta’ riskju

Proċeduri ta' ċertifikazzjoni

Eżempji

Klassi I

Riskji minimi ta' ħsara mekkanika superfiċjali, kuntatt mal-ilma ma' uċuh sħan (inqas minn 50 oC), espożizzjoni għax-xemx, u kondizzjonijiet tat-temp mhux estremi

Awtoċertifikazzjoni

Kontroll intern tal-produzzjoni (Modulu A – Anness IV)

Ingwanti għall-ħasil tal-pjatti, ingwanti ta' protezzjoni, nuċċalijiet tax-xemx...

Kategorija II

PPE li jipproteġi minn riskji li la huma minimi (I) u lanqas gravi (III)

PPE magħmul apposta sakemm dan ma jkunx destinat għal riskji minimi

Eżami tat-tip tal-UE (Modulu B – Anness V)

Konformità mat-tip fuq il-bażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni (Modulu C – Anness VI)

Elmi ta' protezzjoni, ilbies li jidher ħafna...

Klassi III

Riskji serji, sustanzi perikolużi, kimiċi aggressivi, radjazzjoni jonizzanti, ambjenti sħan (aktar minn 100 oC), ambjenti kesħin (inqas minn 50 oC), waqgħat mill-għoli, xokk elettriku, u xogħol taħt pressjoni, għarqa, qatgħat mis-srieraq bil-katina, u tagħmir li jaqta' b'ġettijiet tal-ilma bi pressjoni għolja, feriti ta' sparatura jew ta' skieken, storbju ta' ħsara ...

Eżami tat-tip tal-UE (Modulu B – Anness V) + proċedura addizzjonali bl-intervent ta' korp notifikat:

jew konformità mat-tip/verifikazzjoni tal-prodott (Modulu F – Anness VII),

jew konformità mat-tip abbażi tal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-proċess tal-produzzjoni (Modulu D – Anness VIII).

Numru tal-korp ċertifikata

Tagħmir ta' protezzjoni respiratorja, PPE kontra l-waqgħat mill-għoli....

2.2.3.2

Kien innutat li xi riskji ġodda ġew miżjuda fil-kategorija III, eż. ir-riskju ta' feriti mis-skieken jew l-istorbju ta' ħsara.

2.2.3.3

Il-PPE magħmul apposta kif definiti fl-Artikolu 3 mhuwiex ċar ħafna: liema kategorija ta' riskju u għalhekk liema proċeduri ta' ċertifikazzjoni japplikaw?

2.2.4   Limitazzjoni ta' 5 snin tal-perjodu ta' validità taċ-ċertifikat ta' konformità

2.2.4.1

Din il-bidla maġġuri kienet introdotta bi tweġiba għat-talbiet minn xi awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri li jkunu sabu, fis-suq tagħhom, il-preżenza ta' PPE akkumpanjat minn ċertifikati li għadhom validi meta l-istandards ikunu nbidlu radikalment (eżempju kien il-ġgieget tas-salvataġġ).

2.2.5   Kjarifika tar-rekwiżiti bażiċi tas-saħħa u s-sigurtà;

2.2.5.1

Ir-Regolament iħassar it-taqsimiet li fihom ir-rekwiżiti dwar tliet kategoriji ta' riskju li rriżultaw mhux applikabbli jew sors ta' konfużjoni:

protezzjoni kontra l-vibrazzjonijiet mekkaniċi (taqsima 3.1.3),

protezzjoni kontra l-effetti perikolużi tal-istorbju (taqsima 3.5),

protezzjoni kontra r-radjazzjoni mhux jonizzanti (taqsima 3.9.1).

2.2.6   Kontroll imtejjeb tal-korpi notifikati

2.2.6.1

L-Istati Membri għandhom setgħat ta' kontroll imsaħħa fuq il-korpi notifikati. Dawn jistgħu joġġezzjonaw għan-notifika ta' korp li ma kienx attiv għal snin twal, li probabbilment m'għadx għandu mezzi umani u tekniċi ta' ħruġ taċ-ċertifikati jew li fil-passat ħareġ ċertifikati ta' konformità tal-PPE mhux konformi.

2.2.7   Perjodu ta' tranżizzjoni wara d-dħul fis-seħħ

2.2.7.1

Huwa previst perjodu ta' sentejn wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament sabiex jagħti lill-manifatturi, lill-korpi nnotifikati u lill-Istati Membri żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-inklużjoni tal-PPE privat biex jipproteġi riskji minuri bħal mill-ilma, jew l-umdità, se tkun operattiva? Kif se jiġi sensibilizzat il-konsumatur? Il-kundizzjonijiet tat-tikketta CE (leġibbiltà, daqs ...) jistgħu jkunu denji li jiġu speċifikati, pereżempju, bħall-preċiżjonijiet eżistenti għall-ittikkettjar tal-kompożizzjoni u l-istruzzjonijiet ta' kura tat-tessuti għal kull PPE għall-użu privat għall-bejgħ, kiri jew self. Dawn l-obbligi ġodda mhumiex ser jirriżultaw f'żieda fil-prezz tal-bejgħ?

3.2

Huwa ta' dispjaċir li t-test ma jagħmilx referenza għall-progress teknoloġiku li huwa partikolarment preżenti f'dan is-settur f'oqsma bħall-fibra u t-tessuti (Teflon, latex, neoprene, nitril ...), it-teknoloġiji tal-kisi u l-filtrazzjoni, l-integrazzjoni ta' sensers mikroelettroniċi sabiex jipprovdu tagħrif jew enerġija (“tessuti intelliġenti”) biex tiżdied il-prestazzjoni tal-protezzjoni fir-rigward tar-riskju.

3.3

Ma jissemma xejn dwar il-potenzjal tas-suq għall-industriji Ewropej tal-PPE (tessuti, ħwejjeġ, żraben, manifatturi ta' aċċessorji) li kien identifikat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2007 bħala wieħed mis-“swieq ewlenin” fl-industrija.

3.4

Ta' min jinnota wkoll l-inadegwatezza tar-Regolament propost dwar l-aspetti uman: l-użu tal-PPE se jiġi ottimizzat wara sessjonijiet ta' informazzjoni u ta' taħriġ għall-impjegati biex dawn jifhmu r-riskji, il-kondizzjonijiet ta' użu tal-PPE u l-istruzzjonijiet meħtieġa. Huwa wkoll jipprovdi perjodi ta' prova tal-PPE biex jiġi żgurat l-adattament tagħhom għall-morfoloġija tal-unitajiet u l-postijiet tax-xogħol (Anness II, Artikolu 1.3 li għandu jitlesta skont l-esperjenza fil-livell nazzjonali).

3.5

Dawn l-aspetti jiġu, naturalment, mill-proposta għal Direttiva dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol tat-12 ta' Ġunju 1989 (89/391/KEE), li għandha l-għan li ttejjeb is-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol, u tiddeskrivi l-obbligi ta' min iħaddem u d-drittijiet u d-dmirijiet tal-impjegati.

3.6

Il-politika dwar il-PPE hija parti minn tmexxija politika globali fil-kumpanija jew l-industrija biex jitnaqqas l-esponiment għar-riskju. Din il-politika hija bbażata fuq l-identifikazzjoni preċiża tal-fatturi ta' riskju u l-lista ta' miżuri li għandhom jiġu implimentati biex inaqqsu jew jeliminawhom: pereżempju, jikkunsidraw is-soluzzjoni ta' tagħmir ta' qbid tal-arja adattatat qabel jirrikorru għat-tagħmir respiratorju. Huwa dejjem is-soluzzjoni kollettiva tal-prevenzjoni tar-riskju li għandha tkun preferuta fuq l-użu ta' soluzzjonijiet ta' protezzjoni personali.

3.7

Din il-valutazzjoni tar-riskju titwettaq mal-imsieħba fil-kumpanija: l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persunal, ir-rappreżentanti tagħhom, il-kumitati dwar is-saħħa u s-sigurtà ... jew barra l-kumpanija: il-mediċina okkupazzjonali, uffiċċji ta' studju, l-aġenzija pubblika biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol ...

3.8

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-proċeduri ta' manutenzjoni, monitoraġġ u reviżjoni tal-PPE biex tkun żgurata l-protezzjoni massima kontra r-riskji li għalihom kien maħsub. Il-manutenzjoni tinkludi l-ispezzjoni, il-kura, it-tindif, it-tiswija u l-ħażna xierqa.

3.9

Il-proposta għal Regolament tindirizza biss parzjalment il-każ tal-espożizzjoni għal riskji multipli.

3.10

Il-proposta għal Regolament ma tindirizzax il-każ tal-PPE li jintuża minn diversi persuni (fil-każ tal-elmi fuq sit ta' kostruzzjoni pereżempju). Għandhom jiġu stabbiliti r-regoli ta' iġene li għandhom jinżammu.

3.11

Il-proposta għal Regolament ma tindirizzax il-kwistjoni tar-restrizzjonijiet tal-kapaċità fl-użu tal-PPE: fil-fatt, xi impjegati, għal raġunijiet mediċi, mhumiex kapaċi jilbsu PPE. F'dawn il-każijiet rari iżda li jeżistu, kif għandu jindirizza s-sitwazzjoni min iħaddem, soġġett għal rekwiżit ta' sigurtà ġenerali: Ir-riklassifikazzjoni tal-impjegat għal xogħol ieħor, bidla fil-post tax-xogħol ...?

3.12

Is-sitwazzjoni tal-PPE użat mhijiex indirizzata fil-proposta għal Regolament kif inhi f'xi sorsi nazzjonali, inkluż il-Kategorija ta' Riskju I b'suq li qed jikber minħabba l-kriżi ekonomika li qed taffettwa ħafna setturi b'ħafna utenti tal-PPE (kostruzzjoni, xogħlijiet pubbliċi, trasport...).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

It-test tal-proposta għal regolament, premessa (24): il-validità tad-dikjarazzjoni tal-konformità tat-tagħmir personali protettiv stabbilita għal perjodu massimu ta' 5 snin tippermetti li tiġi garantita analiżi abbażi tal-aħħar għarfien xjentifiku disponibbli, u dan jidħol bis-sħiħ fl-objettiv tal-prevenzjoni u t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema li huwa l-għan tad-Direttiva Qafas 89/391 tat-12 ta' Ġunju 1989. Hija prevista proċedura semplifikati fil-każ fejn ma kienx hemm żvilupp sinifikanti tal-istandards.

4.2

Artikolu 3: ikun siewi li jiġu miżjuda definizzjonijiet multipli: dik ta' “PPE użat,” dik ta' “awtoritajiet superviżorji” msemmija fl-Artikoli 11 u 13, kif ukoll dik tal-“awtoritajiet notifikanti” responsabbli fuq livell nazzjonali mir-rapportar tal-korpi li huma intitolati jeżerċitaw kontrolli ta' konformità tal-PPE.

4.3

Artikolu 8(3): it-tul ta' ħażna tad-dokumentazzjoni teknika stabbilita għal 10 snin tista' tidher eċċessiva speċjalment billi l-validità taċ-ċertifikat ta' konformità huwa biss ta' 5 snin. Għaliex ma jsirux it-tnejn 5 snin?

4.4

Artikolu 8(3) u 8(7) u 8(10), Artikolu 9(2)(a), Artikolu 10(3), 10(4) u 10(7), Artikolu 11(2), Artikolu 13, Artikolu 15(1), 15(15(2) u 15(3)), anness II, punt 2.12: dawn l-Artikoli jipprevedu reġimi lingwistiċi separati għal diversi dokumenti li jikkonċernaw il-PPE u l-konformità mal-proċeduri li jappartjenu għalihom:

jirreferu għal “lingwa li tista’ tinftiehem faċilment mill-utenti finali”, espressjoni li ġiet mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, imma tista' tidher li tkun pjuttost suġġettiva,

wieħed isemmi wkoll il-kwistjoni lingwistika fil-punt 2.12 tal-Anness II: “dawn il-marki għandhom, ... għandhom jinkitbu bil-lingwa/lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn ser jintuża t-tagħmir”,

u fl-aħħar nett fl-Artikolu 15(2) u 15(3), din l-espressjoni li tidher aktar preċiża legalment, “il-lingwa jew il-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn jitqiegħed għad-dispożizzjoni.”

Il-KESE jifhem ir-raġunijiet li wasslu sabiex jiġu stabbiliti tliet skemi lingwistiċi differenti iżda jipproponi biex għall-finijiet ta' semplifikazzjoni tinżamm biss din l-aħħar formulazzjoni.

4.5

Artikolu 15(3): it-terminu “aġġornata kontinwament” jista' jkun soġġett għal interpretazzjonijiet differenti fil-livell nazzjonali. Għaliex ma jiġux stabbiliti intervalli, pereżempju annwali?

4.6

Artikolu 42: il-perjodu ta' sentejn mogħti wara d-dħul fis-seħħ żgur huwa eżiġenti minħabba n-numru ta' bidliet meħtieġa speċjalment fl-Istati Membri bi strutturi amministrattivi dgħajfa (notifika mill-ġdid tal-korpi kollha notifikati fuq livell tat-28 Stat Membru, il-bidla tal-perjodu ta' validità taċ-ċertifikati ta' konformità)iżda neċessarju fir-rigward tal-objettivi ta' ġrevenzjoni u titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, b'mod partikolari f'dak li jirrigward t-tnaqqis tal-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ”

COM(2014) 187 final – 2014/0107 (COD)

(2014/C 451/13)

Relatur:

is-Sur Simons

Nhar l-24 u nhar it-2 ta’ April 2014, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ

COM(2014) 187 final – 2014/0107 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta' Lulju 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'184 voti favur u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja d-deċiżjoni tal-introduzzjoni ta' regolament ibbażat fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE billi jeżistu interpretazzjonijiet differenti ta' ċerti punti tad-Direttiva eżistenti.

1.2

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Proposta għal Regolament hija konformi mad-Direttiva 2000/9/KE, li għandha tiġi allinjata mal-Pakkett dwar il-Prodotti adottat fl-2008, u b'mod partikolari d-Deċiżjoni NLF (KE) Nru 768/2008 li dwarha l-Kumitat diġà ħareġ opinjoni favorevoli.

1.3

Il-KESE jħeġġeġ li jiġu eżaminati mill-qrib it-terminoloġija, b'mod partikolari tal-verżjoni Ġermaniża tat-test, kif ukoll id-definizzjonijiet u ż-żamma ta' partijiet validi tad-Direttiva eżistenti jew elementi li ġejjin minnha.

1.4

Il-KESE jinnota wisq dgħufijiet biex isemmihom kollha f'din is-sezzjoni tal-Konklużjonijiet; għalhekk jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għal punt 4.2 u l-punti sussegwenti, kif ukoll għas-sezzjoni 5 li tipproponi s-soluzzjonijiet.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-1994, il-KESE ħareġ Opinjoni (1) dwar Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport tal-persuni. Fiha huwa appoġġja lill-Kummissjoni b'mod partikolari fir-rigward "tal-għan tagħha li tiżgura li l-Istati Membri jaġixxu b'mod koordinat u li jiġi organizzat monitoraġġ bażiku fl-Unjoni Ewropea sabiex jinkiseb u jinżamm livell għoli ta' sigurtà u b'hekk jonqsu r-riskju ta' inċidenti futuri''.

2.2

Ir-riżultat kellu jkun "industrija iktar mifruxa u kompetittiva f'pożizzjoni aħjar li tikkompeti fis-swieq globali. Billi ħafna mill-manifatturi tas-swieq globali jinsabu fl-Ewropa, kwalunkwe azzjoni li tittieħed sabiex jiżdiedu l-prospetti tal-bejgħ għandha tkun raġonevoli u prattikabbli.''

2.3

L-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ huma prinċipalment imħaddma b'konnessjoni mat-turiżmu, partikolarment f'żoni tal-muntanji, fejn jaqdu sehem importanti fl-ekonomija tar-reġjuni konċernati u qed isiru fattur importanti dejjem akbar fil-bilanċi tal-kummerċ tal-Istati Membri (2).

2.4

L-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw is-sigurtà tal-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ matul il-manifattura, it-tqegħid fis-servizz u t-tħaddim tagħhom. Barra minn hekk, huma responsabbli flimkien mal-awtoritajiet kompetenti għal dawk il-kwistjonijiet bħad-drittijiet tal-art, il-ġestjoni tat-territorju u l-ħarsien tal-ambjent. Ir-regolamenti nazzjonali jvarjaw ħafna b'riżultat tal-metodipartikolari tal-industrija nazzjonali kif ukoll l-użanzi u l-għarfien reġjonali. Huma jistipulaw daqsijiet u mekkaniżmi speċifiċi u karatteristiċi partikolari. Din is-sitwazzjoni qed tobbliga lill-manifatturi li ma' kull talba jiddefinixxu l-prodotti tagħhom mill-ġdid u tmur kontra s-soluzzjonijiet standard disponibbli.

2.5

Ir-rekwiżiti essenzjali għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà għandhom jitħarsu biex jiġi żgurat li l-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ ikunu siguri. Dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu applikati b'dixxerniment sabiex jiġu meqjusa l-aħħar avvanzi fit-teknoloġija fil-ħin tat-tqegħid fis-suq, it-tnedija u matul it-tħaddim tagħhom kif ukoll ir-rekwiżiti tekiniċi u ekonomiċi.

2.6

L-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ jistgħu jkunu transkonfinali u f'dawn il-każijiet, regoli nazzjonali kontradittorji jisgtħu jfixklu l-kostruzzjoni tagħhom.

2.7

Il-kompetenza tal-leġislazzjoni ilha fis-seħħ biss mill-2000. Id-Direttiva 2000/9/KE dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport ta’ persuni (3) ġiet adottata fl-20 ta’ Marzu 2000 u saret applikabbli fit-3 ta’ Mejju 2002. It-tipi ewlenin ta’ installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ koperti mid-Direttiva 2000/9/KE huma l-funikulari, il-gondoli, iċ-chairlifts li jinqalgħu, iċ-chairlifts b’maqbad fiss, it-tramms tal-ajru, il-funitels, l-installazzjonijiet ikkombinati (magħmula minn diversi tipi ta’ rotta b’kablaġġ, bħal dawk ta’ gondoli u chairlifts) u drag lifts.

2.8

Illum il-ġurnata, għaxar snin wara u għal diversi raġunijiet, hemm bżonn ta' reviżjoni tal-leġislazzjoni dwar l-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ.

3.   Sinteżi tal-Proposta

3.1

Permezz ta' din il-Proposta, id-Direttiva 2000/9/KE għandha tiġi sostitwita minn regolament u din id-Direttiva għandha tiġi allinjata mal-“pakkett dwar il-prodotti” adottat fl-2008 u b’mod partikolari mad-Deċiżjoni NLF (KE) Nru 768/2008.

3.1.1

Id-Deċiżjoni NLF tistabbilixxi qafas komuni għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni tal-prodotti. Dan il-qafas jikkonsisti fid-dispożizzjonijiet li jintużaw spiss fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti (eż. id-definizzjonijiet, l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi, il-korpi notifikati, il-mekkaniżmi ta’ salvagwardja, eċċ.). Dawn id-dispożizzjonijiet komuni ssaħħu biex jiġi żgurat li d-direttivi jistgħu jiġu applikati u infurzati fil-prattika, b’mod aktar effettiv. Ġew introdotti wkoll elementi ġodda, bħall-obbligi għall-importaturi, li huma kruċjali għat-titjib tas-sikurezza tal-prodotti fis-suq.

3.1.2

Il-Proposta għandha wkoll l-intenzjoni li tindirizza xi diffikultajiet li nqalgħu fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE. B’mod iktar partikolari, l-awtoritajiet, il-korpi notifikati u l-manifatturi kellhom fehmiet differenti dwar jekk ċerti tipi ta’ installazzjonijiet jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE u b’hekk għandhomx jiġu manifatturati u ċertifikati f’konformità mar-rekwiżiti u l-proċeduri tad-Direttiva.

3.1.3

Kien hemm ukoll fehmiet differenti dwar jekk ċertu tagħmir għandux jitqies bħala sottosistema, infrastruttura jew komponent tas-sikurezza.

3.1.4

Barra minn hekk, id-Direttiva ma tispeċifikax liema tip ta’ proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jiġi applikat għas-sottosistemi.

3.2

Dawn l-approċċi diverġenti wasslu għal distorsjonijiet fis-suq u trattament differenti tal-operaturi ekonomiċi. Il-manifatturi u l-operaturi tal-installazzjonijiet ikkonċernati kellhom jimmodifikaw it-tagħmir jew jgħaddu minn ċertifikazzjoni ulterjuri li wasslu għal spejjeż żejda u għal dewmien fl-awtorizzazzjoni u t-tħaddim ta’ dawk l-installazzjonijiet.

3.3

Għalhekk, il-Proposta għal Regolament għandha l-għan li ssaħħaħ iċ-ċarezza legali dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE u b’hekk twassal għal implimentazzjoni aħjar tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

3.4

Id-Direttiva 2000/9/KE fiha dispożizzjonijiet ukoll dwar il-valutazzjoni tal-konformità għas-sottosistemi. Madankollu, ma tistabbilixxix il-proċedura konkreta li għandha tiġi segwita mill-manifattur u l-korp notifikat. Barra minn hekk, ma toffrix lill-manifatturi l-firxa ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li huma disponibbli għall-komponenti tas-sikurezza. B’hekk il-Proposta għal-Regolament tallinja l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità disponibbli għas-sottosistemi ma’ dawk li diġà huma użati għall-komponenti tas-sikurezza, fuq il-bażi tal-moduli ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE li tistabblixxi qafas legali komuni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti (Deċiżjoni NLF). F’dan il-kuntest, tipprovdi wkoll għat-twaħħil tat-tikketta CE biex tiġi indikata konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu, skont is-sistema eżistenti għall-komponenti tas-sikurezza.

3.5

Il-Proposta tqis ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea (4). Il-proposta tinkludi:

il-kjarifika tal-kamp ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ iddisinjati kemm għat-trasport kif ukoll għal skopijiet ta’ divertiment;

l-introduzzjoni ta’ medda ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għas-sottosistemi fuq il-bażi tal-moduli eżistenti ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-komponenti tas-sikurezza kif allinjati mad-Deċiżjoni NLF;

l-allinjament mad-Deċiżjoni NLF.

Esklużi huma dawn:

installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ użati għal skopijiet ta’ divertimenti fil-fieri jew il-parks ta’ divertiment

installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ maħsuba għal finijiet agrikoli jewindustrijali;

l-esklużjoni attwali ta’ laneċ imħaddma b’kablaġġ tapplika wkoll għall-installazzjonijiet kollha mħaddma b’kablaġġ li fihom l-utenti jew it-trasportaturi jinġarru fuq l-ilma.

3.6

Il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-komponenti tas-sikurezza inżammu fil-Proposta. Madankollu, il-Proposta taġġorna l-moduli korrispondenti b’konformità mad-Deċiżjoni NLF.

3.7

Hija żżomm ukoll ir-rekwiżit għal intervent minn korp notifikat fil-fażi ta' kostruzzjoni u ta' produzzjoni tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza kollha.

3.8

Il-Proposta tintroduċi firxa ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għas-sottosistemi fuq il-bażi tal-moduli ta’ valutazzjoni tal-konformità tad-Deċiżjoni NLF. Barra minn hekk, hija tintroduċi t-twaħħil tat-tikketta CE għas-sottosistemi billi ma hemmx raġuni għalfejn dawn m'għandhomx jiġu trattati bħall-komponenti tas-sikurezza.

3.9

Il-Proposta ssaħħaħ il-kriterji ta’ notifika għall-korpi notifikati u tintroduċi rekwiżiti speċifiċi għall-awtoritajiet notifikanti. Hemm bżonn l-adattament għal teknoloġiji ġodda biex tkun tista’ ssir notifika online. Għaldaqstant, huwa importanti li jkun previst perjodu li matulu kull dubju jew tħassib dwar il-kompetenza tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jkun jista’ jiġi ċċarat qabel ma jibdew jaħdmu bħala korpi notifikati.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Billi ma tistax tiġi garantita dejjem interpretazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi, il-KESE jirrimarka li fi sforzi favur l-armonizzazzjoni ta' dan it-tip (5), li għandhom l-għan li jiksbu l-moviment ħieles tal-oġġetti fis-suq intern, ir-Regolamenti jiggarantixxu interpretazzjoni uniformi. Il-KESE jappoġġja għalhekk l-għażla ta' regolament kif ukoll tal-Artikolu 114 tat-TFUE bħala bażi legali.

4.1.1

Sakemm l-Istati Membri jingħataw il-kontroll tal-implimentazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni Ewropea għandha timmonitorja li din issir b'mod uniformi.

4.2

Għaldaqstant, l-elementi validi tad-Direttiva attwali ur-regoli u l-prattiki tajba li jirriżultaw minnhom għandhom jidħlu fir-regolament b'mod preċiż (6) u elementi ġodda oħra fir-Regolament għandhom jingħataw formulazzjoni lingwistika preċiża wkoll.

4.2.1

Mhuwiex ċar għalfejn il-frażi ''għat-trasport tal-persuni'' tħassret mit-titlu tar-regolament meta premessa 8 tgħid li l-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament huwa l-istess bħal dak tad-Direttiva.

4.2.2

It-termini tekniċi ħafna drabi jvarjaw wisq mill-istandards tekniċi armonizzati għall-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ u għandhom jiġu koordinati.

4.2.3

It-test tal-Proposta għal Regolament (Artikolu 2(2a)) ma jippermettix distinzjoni ċara bejn liftijiet (b'mod partikolari liftijiet inklinati) fis-sens tad-Direttiva 95/16/KE u l-funikulari. L-informazzjoni relatata ta' premessa 11 mhix biżżejjed għal klassifikazzjoni ċara fil-prattika. Huwa importanti li ikunu jistgħu jkomplu jinbnew fil-beraħ u għal diversi skopijiet liftijiet inklinati fis-sens tad-Direttiva dwar il-Lifts (konnessjonijiet bejn parkeġġi f'wied u kastell jew ċentru antik iktar 'il fuq, konnessjonijiet bejn il-korsi għall-ġiri bl-iski eċċ.).

4.2.4

Artikolu 2(2)(f) jeskludi wkoll l-installazzjonijiet fuq l-ilma mir-Regolament. Sabiex jiġu evitati nuqqas ta' ftehim u interpretazzjonijiet differenti, ġiet introdota l-premessa addizzjonali nru 12 li madanakollu ma tiċċarax is-sitwazzjoni. Jeħtieġ li jiġi ċċarat li l-Artikolu 2(2)(f) ser jinqasam bejn ''trasport b'kablaġġ fuq l-ilma'', kif definit fid-Direttiva 2000/9/KE u ''liftijiet għall-ġiri bl-iski fuq l-ilma''.

4.2.5

Għall-kuntrarju ta' Direttivi oħra (pereżempju d-Direttiva dwar il-Makkinarju), l-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ iddisinjati għat-trasport tal-persuni huma soġġetti għal proċeduri ta' awtorizzazzjoni definiti mill-Istati Membri. Għalhekk ma hemmx bżonn jiġu indikati l-isem kummerċjali u l-indirizzi postali fuq il-komponenti tas-sikurezza u s-sottosistemi, b'mod partikolari billi d-dikjarazzjonijiet tal-konformità (7) tal-UE, li jinkludu din l-informazzjoni huma meħtieġa kemm waqt l-installazzjoni kif ukoll għand l-awtorità kompetenti. Biex jagħti indikazzjoni tal-finanzi li jimplika dan l-Artikolu, il-Kumitat jinnota pereżempju li chairlift b’maqbad fiss jeħtieġ madwar 500 tikketta. L-Artikolu 11 (Kapitolu II) għandu għalhekk jinbidel billi titħassar din il-parti tal-ewwel sentenza ''is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza, jew jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu u''.

4.2.6

Artikolu 2(2) jeskludi mill-ambitu tar-Regolament dawk l-installazzjonijiet li jintużaw f'parks ta' divertiment għal skopijiet ta' divertiment biss. Mhuwiex ċar x'differenza tagħmel f'termini ta' regoli ta' sikurezza u rekwiżiti bażiċi jekk il-persuna li qed tuża l-installazzjonijiet hiex qed tużahom għal skopijiet ta' divertiment jew trasportazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda għalhekk li tinżamm biss ir-referenza għal ''apparat fuq is-sit jew mobbli għall-użu f’fieri''.

4.2.7

Il-premessi 57 u 58 tal-Anness u l-Artikolu 41 jiddefinixxu dispożizzjonijiet tranżitorji. Madanakollu ma hemmx stqarrija ġenerali li tindika li l-abbozz ta' regolament ma japplikax għall-installazzjonijiet li diġà qed jintużaw. Jeħtieġ li f'inċiż 3 ġdid fl-Artikolu 9 jiżdied it-test ''Mhuwiex neċessarju li l-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ eżistenti jinġiebu f'konformità mal-installazzjonijiet il-ġodda'', li jinsab fid-Direttiva dwar l-installazzjonijiet tal-funikular (premessa 28, mhux disponibbli bil-Malti). Barra minn hekk, wara l-inċiż 3 attwali tal-Artikolu 9 għandhom jiddaħħlu dispożizzjonijiet għall-possibbiltà ta' bini mill-ġdid tal-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ. "Il-bini mill-ġdid ta' installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ għandu jkun possibbli taħt dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

L-elementi ta' sigurtà u sottosistemi li jkunu tqiegħdu fis-suq u jikkonformaw mad-Direttiva 2000/9/KE jew ir-Regolament attwali għandhom jiġu applikati fl-installazzjoni mill-ġdid.

L-installazzjoni li ser tiġi trasferita għandha tkun f'kundizzjoni teknika b'tali mod li wara l-bini mill-ġdid jista' jiġi żgurat l-istess livell ta' sigurtà ġenerali daqs f'installazzjoni ġdida.

4.2.8

Skont l-Artikolu 36(2), fuq talba, il-korpi notifikati għandhom jipprovdu lil korpi notifikati oħra ir-riżultati pożittivi ta’ valutazzjoni tal-konformità. Il-korpi notifikati huma istituzzjonijiet indipendenti li jridu jaġixxu fuq livell ekonomiku. Sabiex jiġi evitat it-trasferiment tal-għarfien f'dawn il-każijiet għandha titħassar il-frażi ''u, fuq talba, mar-riżultati pożittivi''.

4.3

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Proposta għal Regolament hija konformi mad-Direttiva 2000/9/KE u tirrifletti l-“Pakkett dwar il-Prodotti”, li ġie adottat fl-2008, u b'mod partikolari d-Deċiżjoni NLF (KE) Nru 768/2008 li dwarha diġà ħareġ opinjoni favorevoli (8).

5.   Kummenti speċifiċi

Kummenti dwar premessi u Artikoli oħra tal-Proposta għal Regolament.

5.1

Fil-verżjoni Ġermaniża tal-Proposta, il-kliem ''konstruiert'' jew ''Konstruktion'' ħafna drabi jintużaw minflok ''geplant'' jew ''Planung'' (bħal fid-Direttiva 2000/9/KE). Dan jidher fit-test Ġermaniż kollu. Dawn huma xi eżempji: premessa 1, Artikolu 1, Artikolu 2(1), Artikolu 3(1), Artikolu 3(3) u Artikolu 8(1).

5.2

Id-definizzjoni ta' ''komponenti tas-sikurezza'' ta' Artikolu 3(4) għandha tiġi emendata billi jitħassru l-kliem ''jew installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ''. Ir-raġuni għal dan hija li l-infrastruttura li dwar il-proċeduri tagħha jiddeċiedu l-Istati Membri ma tistax tinkludi l-''komponenti tas-sikurezza'' fis-sens tar-Regolament, dawn il-komponenti huma magħrufa minflok bħala ''komponenti ta' sikurezza kritika''.

5.3

Artikolu 11(9) jgħid li l-manifatturi għandhom, fuq talba motivata mill-Istati Membri, jipprovdu l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa għal proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità. Sabiex jiġi żgurat li l-komponenti mibnija skont għadd ta' standards armonizzati (u li għalhekk għalihom tgħodd il-presuppożizzjoni ta' konformità) ma jaqgħux taħt dan l-Artikolu, il-KESE jirrakkomanda li l-paragrafu 9 jiġi ċċarart billi jiżdied dan it-test fil-bidu: ''Fir-rigward tal-komponenti li ma tpoġġewx fis-suq skont għadd ta' standards armonizzati, il-manifatturi għandhom ... ''.

5.4

Il-kelma “Drahtseilbahn” fil-premessa 8 tat-test Ġermaniż mhix rikonoxxuta u ma tikkonformax mal-verżonijiet Olandiżi u Ingliżi tat-test.

5.5

Fl-abbozz ta' Regolament, pereżempju fil-premessa 17 tintuża l-kelma ''Wartung'' (servizzjar). Madanakollu s-servizzjar huwa biss parti waħda mil-manteniment li jkopri l-ispezzjoni, is-servizzjar u t-tiswija. Il-kelma ''Wartung'' għandha għalhekk tinbidel u minflokha tintuża ''Instandhaltung'' fit-test sħiħ. It-terminu “maintained” użat fil-verżjoni Ingliża huwa korrett.

5.6

Minflok it-terminu “grundlegende Anforderungen” użat fil-verżjoni Ġermaniża tad-Direttiva dwar l-installazzjonijiet tal-funikular intuża “wesentliche Anforderungen” (pereżempju Artikolu 6). Il-verżjoni Ingliża tkompli tirreferi għal “Essential requirements” b'konformità mad-Direttiva 2000/9/KE. Il-verżjoni Ġermaniża tal-Proposta għal Regolament għandha tiġi modifikata sabiex jintuża t-terminu “Grundlegende Anforderungen”.

5.7

Il-premessa 19 ma tikkorrispondi mal-ebda test u għandha għalhekk titħassar.

5.8

Il-premessa 23 hija sors ta' konfużjoni billi tpoġġi l-moviment ħieles tal-oġġetti u l-analiżi tas-sikurezza fl-istess kuntest u għalhekk għandha titħassar.

5.9

Artikolu 1 jiddefinixxi s-suġġett tar-regolament. Madanakollu l-oqsma tad-disinn, l-assemblaġġ u t-tqegħid fis-suq tad-Direttiva 2000/9/KE ma ġewx inklużi hawn. Dawn għandhom jiġu inklużi jew għandu jintuża minflok it-test tad-Direttiva.

5.10

Id-definizzjoni ta' ''installazjoni tar-rotta b'kablaġġ'' ta' Artikolu 3(1) mhix ċara. Għandha tintuża minflok id-definizzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE.

5.11

Minflok it-terminu “Schleppaufzug” f'Artikolu 3(8) tal-verżjoni Ġermaniża tat-test għandu jintuża t-terminu “Schlepplift”. Din il-korrezzjoni saret ukoll matul ir-reviżjoni tal-istandards armonizzati relatati.

5.12

Billi l-frażi ta' Artikolu 3(12) ''it-tqegħid fis-suq'' mhux dejjem tirreferi għall-installazzjoni sħiħa, pereżempju fil-każ tal-konverżjonijiet, it-test għandu jgħid minflok ''jew il-komponenti tiegħu''.

5.13

Ir-rekwiżiti tal-analiżi tas-sikurezza ta' Artikolu 8(1) ġew emendati b'mod li ma jispeċifikawx ir-responsabbiltajiet. Billi l-analiżi tas-sikurezza hija d-dokument prinċipali tal-kuntrattur, fl-Artikolu għandu jiżdied it-test ''skont it-talba tal-kuntrattur jew l-aġent tal-kuntrattur''.

5.14

Skont Artikolu 8(2), l-analiżi tas-sikurezza għandha tiġi inkluża fir-rapport tas-sikurezza. Madanakollu d-Direttiva 2009/KE tistipula li rapport tas-sikurezza għandu jitfassal abbażi tal-analiżi tas-sikurezza, li hija differenza importanti. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi adottat it-test ta' Artikolu 4(2) tad-Direttiva.

5.15

Artikolu 9(4) diffiċli biex jinftiehem u għalhekk għandu jintuża minflok it-test ta' Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/9/KE.

5.16

Artikolu 10(1) jistipula li l-installazzjoni tar-rotta b'kablaġġ tista' tibqa' titħaddem biss jekk tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbilti fir-rapport tas-sikurezza. Il-manwal tas-servizzjar u l-manteniment huwa dokument importanti għas-sikurezza tat-tħaddim ta' installazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda għalhekk li t-test jiġi emendat billi minflok il-frażi ''tibqa’ titħaddem'' tintuża biss il-kelma ''titħaddem'' u minflok ''rapport tas-sikurezza'' tintuża ''id-dokumentazzjoni speċifikata f'Artikolu 9(2)''.

5.17

Skont il-moduli definiti fl-Anness, il-manifattur jista' jwettaq il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità biss ma' korp notifikat. It-test ta' Artikolu 11(2) għandu jirrifletti dan billi minnu titħassar il-frażi ''jew iqabbdu lil xi ħadd jagħmilhielhom''.

5.18

It-terminu ''l-informazzjoni dwar is-sikurezza'' li intuża f'Artikolu 11(7) mhux ċar u għandu jiġi speċifikat.

5.19

Artikolu 16 jirreferi għall-''ewwel paragrafu'' minkejja li dan ma jeżistix.

5.20

Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 768 dwar oġġezzjonijiet formali għal standards armonizzati (Artikolu R9 u R19) għandhom jidħlu wkoll f'Artikolu 17.

5.21

Hemm ir-riskju li Artikolu 18(4) jiġi applikat ukoll għal ferroviji ta' prova. Sabiex dan jiġi evitat għandu jiżdied it-test ''ħlief għall-ferroviji ta' prova''.

5.22

Artikolu 19(2) jista' jinftiehem li qed ifisser li d-dikjarazzjonijiet ta' konformità tal-komponenti tas-sikurezza jew is-sottosistemi li diġà qiegħdin fis-suq għandhom jiġu aġġornati wkoll. Għalhekk l-aħħar parti tal-ewwel sentenza ''għandha tiġi aġġornata kontinwament'' għandha tgħid minflok hekk ''għandha tiġi aġġornata meta sottosistema jew komponent tas-sikurezza jitqiegħdu fis-suq''.

5.23

Skont Artikolu 21(2), anki s-sottosistemi għandhom jirċievu t-tikketta CE. Billi ma hemm l-ebda sottosistema fuq is-suq li ma fihiex mill-inqas komponent wieħed tas-sikurezza li jkollha t-tikketta CE tagħha, dan ir-rekwiżit għandu jiġi eliminat. Il-KESE jirrakkomanda għalhekk li jitħassru l-kliem ''s-sottosistema jew''.

5.24

L-Anness II għandu jiġi rivedut ukoll. Madankollu, dan għandu jsir b'mod komprensiv u ċertament bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba kollha involuti.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 388, 31.12.1994, p. 26 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Dan il-punt u t-tliet paragrafi sussegwenti huma premessi tad-Direttiva 2000/9/KE (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  ĠU L 106, 3.5.2000, p. 21 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  ĠU L 316, 14.11.2012.

(5)  Artikolu 114 tat-TFUE.

(6)  Ta' min jinnota li diversi kampjuni indikaw nuqqasijiet fl-Annessi jew l-Artikoli meħuda mid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE (Artikolu R2 ff).

(7)  Huwa mistenni li ċ-ċertifikati ta' konformità tal-KE ma jitilfux il-validità tagħhom.

(8)  ĠU. C 120, 16.5.2008, p. 1.


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-Direttiva 2013/34/UE rigward ċerti elementi tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva”

COM(2014) 213 final – 2014/0121 (COD)

(2014/C 451/14)

Relatur:

is-Sur Smyth

Nhar is-16 ta' April 2014 u nhar is-6 ta' Mejju 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 50 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-Direttiva 2013/34/UE rigward ċerti elementi tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva

COM(2014) 213 final – 2014/0121 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta' Lulju 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'188 vot favur, u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-proposti tal-Kummissjoni li jemendaw id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti għandha titqies bħala parti minn vjaġġ itwal lejn suq aktar stabbli, governanza korporattiva sostenibbli u ambjent ta' investiment fl-Ewropa. Fil-qalba ta' dawn il-proposti hemm il-fehma li jekk l-azzjonisti jistgħu jiġu mħeġġa jieħdu perspettiva aktar fit-tul, allura dan se joħloq ambjent operattiv aħjar għall-kumpaniji elenkati.

1.2

Il-KESE jappoġġja d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti, speċjalment dawk maħsubin għat-tisħiħ tar-rabta bejn il-pagi tal-amministraturi u l-prestazzjoni fuq żmien twil tal-intrapriżi.

1.3

Il-KESE jieħu nota tal-fatt li fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-proposti tagħha se jwasslu biss għal żieda marġinali fil-piż amministrattiv fuq kumpaniji elenkati. Fil-valutazzjoni ex-post tad-Direttiva, se jkun importanti li jiġi evalwat dan il-bilanċ.

1.4

Il-KESE jaċċetta l-argument li, billi toħloq aktar trasparenza dwar l-impatt tal-politiki ta' investiment, l-investituri se jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati u x'aktarx jiddiskutu iktar mad-destinatarji tal-investiment tagħhom. Dan għandu jwassal għal prestazzjoni aħjar fuq terminu twil mill-kumpaniji elenkati.

1.5

Sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, dawk li jfasslu l-politika laqgħu l-isfida ta' tibdil fil-kultura fis-setturi korporattivi u finanzjarji Ewropej lil hinn minn prestazzjoni fuq perjodu qasir lejn perspettiva ta' investiment fit-tul aktar sostenibbli. Sakemm tista' tintlaħaq bidla fil-kultura bħal din permezz tar-regolamentazzjoni, il-Kummissjoni miexja fid-direzzjoni t-tajba.

2.   Kuntest tad-Direttiva

2.1

Din id-Direttiva mill-Kummissjoni għandha titqies fil-kuntest ta' inizjattivi oħra biex jittejjeb il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea. Fil-qalba tagħha hemm il-konvinzjoni li l-inkoraġġiment ta' prospettiva fuq perjodu ta' żmien aktar fit-tul minn azzjonisti se tiżgura ambjent operattiv aħjar għall-kumpaniji elenkati Dawn il-proposti jirrappreżentaw parti mir-riżultat tal-proċess ta' konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati dwar il-governanza korporattiva. Fl-2010, il-Kummissjoni ħarġet Green Paper dwar “Il-Governanza korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta' rimunerazzjoni” (1). Din ġiet segwita minn Green Paper oħra dwar “Il-qafas ta' governanza korporattiva tal-UE” (2) fl-2011. Dawn il-konsultazzjonijiet imbagħad wasslu għall-pubblikazzjoni fl-2012 ta' “Pjan ta' Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva – qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli” (3).

2.2

Id-Direttiva tibni fuq valutazzjoni tal-impatt li tindirizza n-nuqqasijiet fir-relazzjoni bejn protagonisti ewlenin tal-governanza korporattiva – l-hekk imsejħa relazzjoni tal-aġent prinċipali. Din tirreferi għar-relazzjoni bejn aġenti (diretturi) u l-prinċipali (azzjonisti bħal investituri istituzzjonali, maniġers tal-assi u konsulenti delegati). Din tidentifika ħames nuqqasijiet minn dawn kif ġej: (i) nuqqas ta' impenn suffiċjenti tal-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi; (ii) rabtiet inadegwati bejn il-paga u l-prestazzjoni tad-diretturi; (iii) nuqqas ta' sorveljanza min-naħa tal-azzjonisti fuq it-tranżazzjonijiet ma' partijiet relatati; (iv) trasparenza inadegwata tal-konsulenti delegati; u (v) eżerċizzju ta' drittijiet, li jirriżultaw minn titoli għall-investituri, diffiċli u jiswew ħafna.

2.3

Għal kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni tqis l-alternattivi politiċi rilevanti u tagħżel ħames settijiet ta' miżuri ta' politika kif ġej:

1)

Trasparenza obbligatorja tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi fuq il-votazzjoni u l-involviment tagħhom u ċerti aspetti ta' arranġamenti tal-ġestjoni tal-assi;

2)

L-iżvelar tal-politika ta' remunerazzjoni u r-remunerazzjonijiet individwali, flimkien ma' vot tal-azzjonisti;

3)

Trasparenza addizzjonali u opinjoni indipendenti dwar tranżazzjonijiet aktar importanti u l-preżentazzjoni tat-tranżazzjonijiet l-aktar sostanzjali għall-approvazzjoni mill-azzjonisti;

4)

Rekwiżiti vinkolanti ta' żvelar dwar il-metodoloġija u l-kunflitti ta' interess ta' konsulenti bi prokura;

5)

Il-ħolqien ta' qafas li jippermetti li l-kumpaniji elenkati jidentifikaw lill-azzjonisti tagħhom u li jeħtieġ li l-intermedjarji jittrażmettu malajr l-informazzjoni relatata mal-azzjonarji u biex jiġi ffaċilitat l-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti.

3.   Miżuri tad-Direttiva

3.1

F'termini ta' trasparenza tal-azzjonisti, il-Kummissjoni titlob l-investituri istituzzjonali jiżvelaw kif l-istrateġija ta' ekwità hija konformi mal-obbligazzjonijiet tagħhom u kif din tikkontribwixxi għal prestazzjoni tal-assi fit-tul. Barra minn hekk, jekk investitur istituzzjonali juża s-servizzi ta' maniġer tal-assi, se jkun hemm rekwiżit ta' żvelar tal-elementi ewlenin ta' dan l-arranġament, bħall-allinjament ta' maniġers tal-assi u investituri istituzzjonali, l-istrateġiji ta' investiment, il-medda ta' żmien tal-istrateġija, l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-maniġers, il-fatturat tal-portafoll fil-mira, eċċ. Bl-istess mod, il-maniġers tal-assi se jkollhom jiżvelaw lill-investituri istituzzjonali kull sitt xhur, kif l-istrateġija ta' investiment tagħhom qed topera skont l-approċċ miftiehem.

3.2

Fir-rigward tar-rabta bejn il-ħlas tad-diretturi u l-prestazzjoni, il-Kummissjoni hija mħassba li minħabba n-nuqqas ta' sorveljanza effettiva tar-rimunerazzjoni tad-diretturi jista' jintilef il-fokus fuq il-prestazzjoni fit-tul tan-negozju. Il-Bordijiet jew Bordijiet ta' Superviżjoni jfasslu l-politika ta' rimunerazzjoni. Il-kumpaniji elenkati se jkunu meħtieġa jippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar il-politika ta' rimunerazzjoni u r-rimunerazzjoni ta' diretturi individwali. L-azzjonisti se jkollhom id-dritt li japprovaw il-politika ta' rimunerazzjoni kif ukoll it-tħaddim tal-politika fis-sena preċedenti. Id-Direttiva tħalli l-livell u l-kundizzjonijiet ta' rimunerazzjoni f'idejn il-kumpanija u l-azzjonisti tagħha.

3.3

Il-kwistjoni ta' tranżazzjonijiet ma' partijiet relatati hija msejsa fuq il-fehma li l-azzjonisti normalment ma' jkollhomx aċċess għal biżżejjed informazzjoni dwar tranżazzjonijiet proposti ta' dan it-tip u lanqas mekkaniżmi adegwati biex jopponu tranżazzjonijiet (abbużivi). Għalhekk, il-kumpaniji elenkati se jkunu meħtieġa li jitolbu l-approvazzjoni tal-azzjonisti fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ma' partijiet relatati li jkunu jirrappreżentaw aktar minn 5 % tal-assi tal-kumpanija. Huma se jkollhom ukoll iħabbru tranżazzjonijiet bħal dawn jekk ikunu akbar minn 1 % tal-assi tagħhom u t-tranżazzjonijiet iridu jiġu awditjati minn parti terza indipendenti. Se jkun hemm eżenzjonijiet għal tranżazzjonijiet bejn kumpanija u l-membri tal-grupp tagħha li huma kompletament proprjetà tal-kumpanija.

3.4

Konsulenti ddelegati jipprovdu lill-investituri b'rakkomandazzjonijiet dwar kif jivvutaw f'laqgħat ġenerali ta' kumpaniji kkwotati. L-użu ta' konsulenti ddelegati feġġ l-aktar minħabba kwistjonijiet kumplessi fil-parteċipazzjoni azzjonarja ta' investituri, partikolarment fuq bażi transkonfinali. Konsulenti ddelegati jipprovdu rakkomandazzjonijiet lil investituri li għandhom portafolli diversifikati u globalizzati ferm, u jeżerċitaw influwenza importanti fuq l-imġiba fil-votazzjoni u għaldaqstant fuq il-governanza korporattiva. Fir-riċerka tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha l-Kummissjoni sabet evidenza li titfa' dubji fuq il-kwalità u l-preċiżjoni tal-pariri pprovduti minn konsulenti delegati u dwar kif jittrattaw kwistjonijiet li jirrigwardaw kunflitti ta' interess. Fil-livell tal-UE, ma hemm l-ebda regolamenti dwar dawn il-konsulenti delegati għalkemm xi Stati Membri għandhom kodiċijiet ta' kondotta mhux vinkolanti. Il-konsulenti delegati se jintalbu jimplimentaw miżuri biex jiggarantixxu li r-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom ikunu preċiżi u kredibbli, abbażi ta' analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha rilevanti, u li mhumiex affettwati minn kunflitt ta' interess eżistenti jew potenzjali. Huwa mifhum li attwalment konsulenti ddelegati qed jitolbu l-EMSA biex tapprova kodiċi ta' kondotta voluntarju; dan għandu jintlaqa' tajjeb.

3.5

L-investituri, b'mod partikolari dawk ta' ishma azzjonarji transkonfinali, jiffaċċjaw diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma tagħhom. Dawn id-diffikultajiet jirriżultaw prinċipalment mill-kapaċità tal-kumpaniji biex jidentifikaw l-investituri b'mod korrett, in-nuqqas tat-trażmissjoni ta' informazzjoni f'waqtha mill-kumpaniji lill-azzjonisti u mġiba ta' diskriminazzjoni abbażi tal-prezz f'ishma transkonfinali. L-Istati Membri se jintalbu jiżguraw li l-intermedjarji joffru lill-kumpaniji elenkati l-kapaċità li jidentifikaw l-azzjonisti tagħhom. Il-kumpaniji elenkati se jkunu meħtieġa, jekk huma jagħżlu li ma jikkomunikawx direttament mal-azzjonisti, li jipprovdu u jippreżentaw informazzjoni relatata mal-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma lil intermedjarju f'mod standardizzat u mingħajr dewmien. L-intermedjarji, min-naħa l-oħra, huma mitluba jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti, inkluż drittijiet ta' votazzjoni, minn jew f'isem l-azzjonisti, kif ukoll jgħarrfu lill-azzjonisti dwar dan.

4.   Kummenti dwar id-Direttiva

4.1

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri stabbiliti fid-Direttiva proposta x'aktarx li jwasslu biss għal żieda marġinali fil-piż amministrattiv għall-kumpaniji elenkati. Sakemm dawn idaħħlu l-obbligu biex il-kumpaniji jipprovdu informazzjoni fil-ħin u rilevanti lill-azzjonisti, dawn jirrappreżentaw prattika tajba u, għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati f'dak il-kuntest. Fil-każ ta' kumpaniji elenkati pjuttost żgħar, il-KESE għandu tħassib dwar il-fatt li jista' jkun hemm piż amministrattiv addizzjonali. Minkejja li l-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva wara ħames snin tal-operat tagħha, il-KESE jemmen li minħabba li x'aktarx li l-proposti mhux se jidħlu fis-seħħ mill-inqas qabel jgħaddu 18-il xahar ieħor, evalwazzjoni bħal din għandha ssir qabel.

4.2

Dwar il-kwistjoni ta' politika ta' rimunerazzjoni u r-rabta bejn is-salarju u l-prestazzjoni tad-diretturi, il-KESE jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni biex tittejjeb is-sorveljanza tar-rimunerazzjoni tad-diretturi (4). Filwaqt li l-livell ta' rimunerazzjoni li jrid jitħallas se jibqa' f'idejn il-Bord, ir-rekwiżit ta' vot tal-azzjonisti għandu jżid il-livell ta' diskussjoni bejn il-Bord u l-azzjonisti tiegħu.

4.3

L-argument li, permezz tal-ħolqien ta' aktar trasparenza dwar l-impatt tal-politiki ta' investiment, l-investituri se jagħmlu deċiżjonijiet aktar infurmati u x'aktarx li jikkomunikaw aktar mad-destinatarji ta' investiment tagħhom huwa loġiku. Jekk jirnexxilhom irawmu l-impenn tal-azzjonist aktar fit-tul, għandhom jgħinu biex ittejjeb l-effiċjenza u l-prestazzjoni tal-kumpaniji.

4.4

Dawn il-proposti huma konsistenti ma' dawk l-elementi tad-Direttiva (5) u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital u r-Regolament (CRD IV) (6) li jittrattaw ir-rimunerazzjoni u jikkomplementaw ukoll ir-regoli eżistenti li jiggvernaw l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi taħt id-Direttiva tal-UCITS, il-MiFID u l-AIFM. Din id-Direttiva għandha tiġi evalwata fil-kuntest ta' dan l-ambjent regolatorju riformat aktar wiesa'.

4.5

Barra minn hekk, dawn il-proposti ġenerali jaqblu sew mal-qafas ġenerali ta' governanza korporattiva tal-UE li jippermetti li l-Istati Membri joperaw qafas li huwa allinjat aktar mill-qrib mad-drawwiet u l-prattiki individwali tagħhom. L-attenzjoni ffukata espliċita fuq aspetti transkonfinali ta' ċerti proposti tad-Direttiva tenfasizza l-ħtieġa għal sett ta' regoli tal-UE dwar it-trasparenza u l-involviment.

4.6

Filwaqt li jaċċetta li, fil-parti l-kbira, ir-reviżjonijiet proposti għad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti huma mmirati biex iħeġġu involviment fit-tul aħjar min-naħa tal-azzjonisti, il-KESE jemmen li impenn fit-tul bħal dan għandu jinvolvi lill-partijiet interessati kollha, inklużi l-impjegati u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tirrifletti dwar kif l-aħjar jiġu involuti l-impjegati biex jinħoloq valur fit-tul (7).

4.7

Fil-proposti tagħha l-Kummissjoni tgħid li, “l-għan ġenerali tal-proposta attwali biex id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti tiġi riveduta huwa li jingħata kontribut għas-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpaniji tal-UE, biex jinħoloq ambjent attraenti għall-azzjonisti u biex titjieb il-votazzjoni transkonfinali billi titjieb l-effiċjenza tal-katina ta' investiment fl-ekwità sabiex jingħata kontribut għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività tal-UE”, flimkien mar-riforma tas-settur finanzjarju li għaddejja bħalissa. Hemm bidla radikali li qed isseħħ b'enfasi fuq it-tibdil tal-kultura fis-setturi korporattivi u finanzjarji Ewropej, lil hinn minn prestazzjoni fuq perjodu qasir lejn perspettiva ta' investiment fit-tul aktar sostenibbli. Dan mhux se jkun kompitu faċli. Sakemm tista' tintlaħaq bidla fil-kultura bħal din permezz tar-regolamentazzjoni, il-Kummissjoni miexja fid-direzzjoni t-tajba.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2010) 284 final.

(2)  COM(2011) 164 final.

(3)  COM(2012) 740 final.

(4)  ĠU C 271, 19.9.2013, p.70.

(5)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(6)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(7)  – ĠU C 161, 6.6.2013, p.35.


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/91


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea”

COM(2014) 168 final

(2014/C 451/15)

Relatur:

is-Sur Smyth

Korelatur:

is-Sur Farrugia

Nhar l-14 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill –il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea

COM(2014) 168 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-7 u l-10 ta' Lulju. (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 139 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja b'mod wiesa' din il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li ssegwi l-Green Paper dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea (1). Din tirrappreżenta żvilupp pożittiv fid-dibattitu ta' politika dwar kif l-aħjar nistgħu nissodisfaw il-ħtiġijiet tal-investiment fit-tul fl-Ewropa.

1.2

Il-KESE jirrikonoxxi li l-Kummissjoni trid topera fi ħdan l-oqsma ta' kompetenza tagħha filwaqt li fl-istess ħin tinkoraġġixxi bidliet istituzzjonali u ta' politika adegwati fil-livelli globali u tal-Istati Membri. Dan huwa partikolarment importanti fil-kuntest tal-oqfsa regolatorji nazzjonali u internazzjonali li jinfluwenzaw l-orizzonti aktar fit-tul tad-deċiżjonijiet ta' investiment. Pereżempju, f'ħafna Stati Membri hemm tendenza fis-sistemi fiskali li jiffavorixxu l-finanzjament tad-dejn tan-negozji li jinċentiva l-kumpaniji biex jużaw id-dejn aktar mill-ekwità bħala sors ta' finanzjament. Għal finanzjament aktar diversifikat u stabbli fit-tul, l-Istati Membri għandhom bżonn jitħeġġu biex jippromovu użu akbar ta' investiment tal-ekwità. Il-Kummissjoni għandha tkompli tinsisti fuq dan.

1.3

Ħafna mill-proposti tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni huma b'saħħithom u konsistenti mal-promozzjoni ta' orizzont tal-investiment aktar fit-tul iżda dawn ser jieħdu ż-żmien biex jiġu implimentati. Strumenti ġodda għall-investiment fit-tul (bħall-Bonds tal-Proġetti tal-UE 2020) huma meħtieġa issa u l-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tgħaddi malajr għall-implimentazzjoni.

1.4

Fil-kuntest tal-promozzjoni ta' aktar finanzjament fit-tul tal-ekonomija, l-ikkompletar tal-unjoni bankarja huwa essenzjali. Il-politika monetarja għandha takkomoda l-investiment fit-tul f'termini ta' rati tal-interess adegwati kemm għall-investituri kif ukoll għal dawk li jfaddlu. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tinvestiga l-flussi frammentati bejn il-fruntieri ta' tfaddil kif ukoll li tivvaluta l-possibbiltà li tiżviluppa prodott ta' tfaddil miftuħ għall-UE kollha.

1.5

Il-KESE jemmen li issa hemm opportunità unika biex jiġi formulat, żviluppat u implimentat qafas tal-UE għall-investiment fit-tul ibbażat fuq korp robust ta' ħidma analitika mwettaq fost l-oħrajn mill-Kummissjoni, l-Istitut Internazzjonali tal-Finanzi u l-Grupp tat-Tletin. L-ostakoli għall-finanzi fit-tul sostenibbli huma magħrufin tajjeb u hemm bżonn li jingħelbu. Dawn jiċċentraw fuq ħames sfidi ewlenin:

inċentivi għall-investituri biex jadottaw perspettiva aktar fit-tul fid-deċiżjonijiet tal-investiment tagħhom;

ħolqien ta' intermedjarji ġodda u strumenti ġodda mmirati lejn l-investiment fit-tul;

żvilupp ta' swieq tad-dejn u tal-ekwità biex iwessgħu l-firxa tal-istrumenti finanzjarji;

assigurazzjoni li l-fluss tal-kapital bejn il-fruntieri jsir b'mod ordnat u jappoġġja investimenti aktar fit-tul; u

żvilupp ta' analiżi sistematika aħjar meta tiġi mfassla politika regolatorja fil-ġejjieni.

Il-KESE jara progress lejn dawn l-għanijiet f'din il-Komunikazzjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni li żżomm u taċċellera r-ritmu ta' dan il-progress fil-proposti tagħha li ġejjin dwar finanzjament fit-tul.

2.   Segwitu għall-Green Paper dwar il-Finanzjament fit-Tul

2.1

Din il-Komunikazzjoni tirrappreżenta risposta meqjusa tal-Kummissjoni għall-proċess ta' konsultazzjoni li kellu suċċess u li tnieda bil-pubblikazzjoni tal-Green Paper dwar il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea f'Marzu 2013 (2). Din tistabbilixxi għadd ta' proposti u azzjonijiet imfassla biex jindirizzaw l-ostakli li qed iżommu lura aktar mobilizzazzjoni ta' sorsi privati u pubbliċi ta' finanzjament fit-tul. Hija l-fehma tal-Kummissjoni li filwaqt li l-banek ser ikomplu jaqdu rwol importanti fil-provvista ta' finanzjament aktar fit-tul, hemm bżonn li sorsi alternattivi għall-banek, bħal fondi pubbliċi, investituri istituzzjonali (kumpaniji tal-assigurazzjoni u fondi tal-pensjonijiet), fondi tradizzjonali jew alternattivi tal-investiment, fondi ta' ġid sovran, eċċ jiġu inkuraġġuti joffru dat-tip ta' finanzjament.

2.2

L-azzjonijiet proposti f'din il-Komunikazzjoni jiffukaw fuq

i)

il-mobilizzazzjoni ta' sorsi privati ta' finanzjament fit-tul,

ii)

użu aħjar mill-finanzi pubbliċi,

iii)

l-iżvilupp tas-swieq tal-kapital,

iv)

it-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament,

v)

attirar ta' finanzjament privat għall-infrastrutturi, u

vi)

it-titjib tal-ambjent globali għall-finanzi sostenibbli.

Il-Kummissjoni ppublikat ukoll proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORP) (3) sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp ulterjuri tal-pensjonijiet tax-xogħol, tip importanti ta' investitur istituzzjonali fit-tul fl-UE, kif ukoll Komunikazzjoni dwar il-finanzjament kollettiv (crowdfunding) (4), sors li qed jikber ta' finanzjament għall-SMEs.

3.   Azzjonijiet proposti

3.1   Mobilizzazzjoni tas-sorsi privati ta' finanzjament fit-tul

3.1.1

Hemm tensjoni inevitabbli bejn, fuq naħa, il-ħtieġa ta' rekwiżiti msaħħa ta' kapital u likwidità fuq il-banek biex tiżdied ir-reżiljenza tagħhom u, fuq in-naħa l-oħra, ix-xewqa li ma jitpoġġewx restrizzjonijiet eċċessivi fuq il-banek li jistgħu jiskuraġġuhom milli jipprovdu finanzjament fit-tul lill-ekonomija reali. Mhux ser tkun ħaġa faċli li jinstab il-bilanċ ġust bejn dawn iż-żewġ għanijiet ta' politika pubblika importanti. Il-Kummissjoni ser tinvestiga l-adegwatezza tar-regolament dwar ir-rekwiżiti tal-kapital b'rabta mal-finanzjamenti fit-tul u ser tirrevedi kemm il-proporzjoni tal-kopertura tal-likwidità u l-proporzjon ta' finanzjament stabbli nett jistgħu jfixxklu l-finanzjament fit-tul mis-settur bankarju.

3.1.2

Il-fehma tal-Kummissjoni hija li ladarba r-riformi bankarji u l-unjoni bankarja jitkomplew, il-kunfidenza fis-settur finanzjarju terġa tinbena u l-frammentazzjoni finanzjarja tonqos ħafna. B'mod partikolari is-sett ta' proposti reċenti dwar ir-riformi strutturali tal-banek, li jisseparaw l-attivitajiet ewlenin ta' finanzjament tal-ekonomija reali mill-attivitajiet aktar riskjużi tal-ispekulazzjoni, għandhom iwasslu biex il-banek jerġgħu jassumu r-rwol tradizzjonali tagħhom (5). Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-pakkett tar-ristrutturar, il-KESE qed jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni.

3.1.3

Forsi l-aktar elementi interessanti tal-komunikazzjoni jirrigwardaw ir-regoli tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-penzjonijiet fl-investiment fit-tul. Solvenza II riformata tidħol fis-seħħ fil-bidu tal-2016 u għandha tagħmilha possibbli biex il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jinvestu fi kwalunkwe tip ta' assi bil kundizzjoni tal-“prinċipju tal-persuna prudenti”. Dan għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' swieq sostenibbli fi strumenti titolizzati. F'termini ta' fondi tal-pensjonijiet, hemm proposti biex jiġi żviluppat qafas, fi sħubija mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), li jwassal għall-ħolqien ta' suq uniku għall-pensjonijiet personali fl-Ewropa, u b'hekk potenzjalment jimmobilizza aktar tfaddil fit-tul.

3.1.4

F'termini ta' mobilizzazzjoni ta' aktar finanzjar privat għall-investiment fit-tul, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq ukoll studju ta' fattibilità dwar l-użu tal-fondi sovrani flimkien ma sorsi oħra fit-tul aktar popolari bħall-fondi tal-pensjonijiet u assiguraturi kbar.

3.1.5

Fir-risposta tiegħu għall-Green Paper (6), il-KESE rrakkomanda li l-Kummissjoni tinvestiga l-introduzzjoni ta' kont ta' tfaddil għall-UE kollha biex juża t-tfaddil fit-tul. Issa l-Kummissjoni ser twettaq studju dwar x'ihuma d-diffikultajiet għall-ħolqien ta' dawn il-vetturi tat-tfaddil li jaqsmu l-fruntieri tal-UE.

3.2   Użu aħjar mill-finanzi pubbliċi

3.2.1

Dwar il-kwistjoni ta' użu aktar effettiv tal-fondi pubbliċi għall-investiment fit-tul, il-Kummissjoni ħadet impenn għal miżuri li għandhom iħeġġu kooperazzjoni akbar bejn il-banek nazzjonali u reġjonali, il-BEI/l-FEI u banek ta' żvilupp multilaterali oħra, bħall-BERŻ. Il-ħolqien reċenti tas-Strategic Banking Corporation of Ireland li hija negozju bi sħab bejn il-Gvern Irlandiż, il-BEI u l-Bank KfW (7) u li ser ikollu madwar EUR 800 miljun xi jsellef lill-SMEs Irlandiżi huwa eżempju tajjeb ta' dan l-approċċ. Hemm ukoll proposta simili rigward koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar fost l-aġenziji tal-esportazzjoni tal-kreditu nazzjonali. Dawn il-propost għandhom jintlaqgħu tajjeb.

3.3   Niżviluppaw is-swieq tal-kapital

3.3.1

Ħafna mill-proposti tal-Kummissjoni jindirizzaw il-kwistjoni ta' swieq tal-kapital fl-Ewropa li m'humiex żviluppati biżżejjed. Il-Komunikazzjoni tinnota li għalkemm is-suq tal-bonds korporattivi qed jikber f'dawn l-aħħar snin, għadu (flimkien mas-swieq tal-ekwità Ewropej) frammentat u ma jħajjarx lill-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja bħala sors ta' finanzjament fit-tul. B'risposta għal din il-frammentazzjoni, hemm impenn għal studju dwar jekk hemmx bżonn ta' miżuri ulterjuri, minbarra l-MiFID2 (8), biex jiġi stabbilit suq sekondarju b'saħħtu u likwidu tal-bonds korporattivi Hemm ukoll impenn biex jiġi investigat jekk l-UCITS (9) għandhiex tiġi estiża biex tkopri titoli elenkati fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs.

3.3.2

Sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, it-terminu titolizzazzjoni ġie assoċjat, b'mod awtomatiku, mas-self ipotekarju “sub prime” fl-Istati Uniti u l-obbligi ta' dejn kollateralizzati u swaps ta’ inadempjenzi tal-kreditu derivati minnhom. Il-falliment katastrofiku tas-suq tad-derivattivi ma ġiex ikkawżat mit-titolizzazzjoni tal-assi nsfushom iżda minn regolamentazzjoni inadegwata, in-nuqqas ta' komprensjoni u r-regħba kemm tal-bejjiegħa kif ukoll tax-xerrejja. L-użu tat-titolizzazzjoni issa jerġa' jinstab b'mod sod fuq l-aġenda tat-tfassil tal-politika. Ir-rekwiżiti tar-ritensjoni tar-riskju ilhom stabbiliti mill-2011 madwar l-UE u ssaħħu l-obbligi ta' divulgazzjoni li jippermettu lill-investituri jifhmu aħjar l-istrumenti finanzjarji li jinvestu fihom. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni issa hemm lok biex jitwaqqfu swieq ta' titolizzazzjoni sostenibbli għan-negozju ta' titoli differenti ggarantiti b’assi, b'differenzazzjoni prudenzjali adatta. Filwaqt li l-KESE jappoġġja l-użu gradwali tat-titolizzazzjoni fil-prinċipju, huwa favur il-kawtela biex jiġi assigurat li l-użu tagħha jiġi implimentat b'mod regolat tajjeb.

3.3.3

Il-Kummissjoni twiegħed li tikkoopera mal-Kumitat ta' Basel u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) biex tiżviluppa u timplimenta standards globali dwar ir-ritensjoni tar-riskji, it-trasparenza u l-konsistenza fis-swieq titolatizzati. Hemm ukoll impenn biex jiġi rivedut it-trattament ta' bonds koperti fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRR) sal-aħħar ta' din is-sena kif huwa meħtieġ għat-twaqqif ta' suq integrat tal-bonds koperti; b'segwitu għal dan, ir-reviżjoni għandha taċċellera studju dwar qafas tal-UE għal bonds koperti.

3.3.4

Il-kwistjoni tal-allokazzjonijiet privati tiġi riveduta fil-Komunikazzjoni u peress li l-allokazzjonijiet privati qed jitqiesu bħala alternattiva realistika għas-self mill-banek u l-ħruġ ta' bonds korporattivi pubbliċi hemm impenn għal analiżi ta' prattika tajba fis-swieq tal-allokazzjonijiet privati fl-Ewropa u bnadi oħra u biex jiġu żviluppati proposti għall-użu aktar mifrux ta' dawn l-allokazzjonijiet fl-UE.

3.4   Titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-iffinanzjar

3.4.1

Il-Komunikazzjoni tmiss ukoll il-kwistjoni taħraq tat-titjib tal-aċċess tal-SMEs għal finanzjament aktar fit-tul. Dan is-suġġett kien parti mill-Pjan ta' Azzjoni dwar il-finanzjament tal-SMEs ippubblikat fl-2011 u sar xi progress limitat minn dak iż-żmien 'il hawn. In-nuqqas ta' informazzjoni adegwata, paragunabbli, affidabbli u disponibbli minnufih dwar il-kreditu tal-SMEs ġie identifikat bħala l-akbar diffikultà għal aċċess akbar għas-swieq kapitali. Waħda mill-kawżi ta' dawn l-inadegwatezzi hija n-natura frammentata tas-sorsi nazzjonali ta' din l-informazzjoni.

3.4.2

Fi studju influwenti u reċenti (10), l-Istitut Internazzjonali tal-Finanzi (IIF) kwota dawn l-asimmetriji fl-informazzjoni bħala diffikultà ewlenija għall-iffinanzjar tal-SMEs kemm fi żmien qasir kif ukoll fit-tul. L-IIF jipproponi għadd ta' miżuri li jnaqqsu dawn id-diffikultajiet. Dawn jinkludu użu akbar tar-repożitorji diġitali b'sottomissjonijiet standard għar-reġistri tan-negozji, uffiċċji tal-istatistika, valutazzjonijiet tal-kreditu tal-bank u selliefa oħra. Dawn ir-repożitorji nazzjonali ta' data tar-riskju tal-kreditu għandhom jiġu konsolidati mal-European Data Warehouse, li eventwalment iwasslu għal reġistru ċentrali tal-kreditu Ewropew. L-IIF jappella għat-twaqqif ta' standards mifruxa mal-Ewropa kollha għall-ġbir u r-rappurtaġġ tal-informazzjoni sabiex ikun possibbli li ssir analiżi bejn il-kumpaniji u n-nazzjonijiet. Informazzjoni aħjar u aktar aġġornata dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-SMEs għandha tippermetti lis-selliefa jivvalutaw aħjar ir-riskju u jsir ipprezzar aktar adatt tar-riskju. Il-proposti tal-IIF imorru ħafna aktar lil hinn minn dawk tal-Kummissjoni, u l-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni titratta b'urġenza dawn il-kwistjonijiet nazzjonali ta' informazzjoni u kunfidenzjalità.

3.4.3

Il-KESE jara l-mertu li jingħata rwol lill-Aġenziji tal-Iżvilupp Reġjonali (RDA) fil-valutazzjoni ta' kemm tkun riskjuża l-SME. Ħafna mir-reġjuni tal-UE għandhom aġenziji bħal dawn, u xi wħud minnhom diġà jipprovdu finanzjament għall-ekwità u d-dejn lil SMEs klijenti. Dawn l-aġenziji spiss jafu lill-SMEs u s-sidien operaturi u l-amministraturi tagħhom aħjar mill-banek, u l-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinvestiga r-rwol potenzjali tagħhom bħala l-eżaminaturi lokali tar-riskju .

3.4.4

Hemm ukoll impenn min-naħa tal-Kummissjoni li terġa' tibda d-djalogu bejn il-banek u l-SMEs bil-għan li jittejjeb il-literiżmu finanzjarju ta' dawn tal-aħħar, b'mod partikolari fir-rigward tal-kummenti li jingħataw mill-banek dwar l-applikazzjonijiet tas-self. L-istudju tal-IIF imur aktar lil hinn u jirrakkomanda l-edukazzjoni tal-SMEs dwar għażliet ta' fondi alternattivi disponibbli u l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni fi programmi ta' fondi alternattivi. Il-KESE jaqbel ma din il-fehma.

3.5   Nattiraw finanzijament privat għall-infrastruttura

3.5.1

F'termini ta' investiment tal-infrastruttura, il-Kummissjoni tidentifika n-nuqqas ta' konsistenza ta' data disponibbli dwar il-prestazzjoni ta' self fuq l-infrastruttura madwar l-Ewropa bħala ostaklu għal parteċipazzjoni akbar mis-settur privat fl-investiment għall-infrastruttura. Is-sensittività u l-kunfidenzjalità kummerċjali min-naħa tal-banek u l-investituri tal-ekwità spiss jipprojbixxu ċirkulazzjoni aktar mifruxa ta' informazzjoni rilevanti. Il-Kummissjoni ħadet impenn għal valutazzjoni tal-potenzjal ta' portal uniku li permezz tiegħu l-awtoritajiet muniċipali, reġjonali u nazzjonali jkunu jisgħu jagħmlu disponibbli l-informazzjoni attwali dwar il-pjanijiet u proġetti ta' investiment fl-infrastruttura, fuq bażi volontarja, Qed jiġi propost ukoll approċċ simili ta' portal sabiex l-istatistiċi ta' kreditu komprensivi u standardizzati dwar id-dejn tal-infrastruttura jsiru disponibbli. Il-KESE jappoġġja dawn l-azzjonijiet.

3.6   Titjib fl-ambjent ġenerali għal finanzi sostenibbli

3.6.1

Minbarra l-kwistjoni tal-azzjonijiet speċifiċi diskussi hawn fuq, il-Kummissjoni teżamina wkoll il-qafas aktar wiesa' għal finanzi sostenibbli f'termini ta' governanza korporattiva, standards tal-kontabbiltà, tassazzjoni u l-ambjent legali. Hija ser tikkunsidra proposta għar-reviżjoni tad-direttiva dwar il-drittijiet tal-azzjonisti biex l-interessi fit-tul tal-investituri istituzzjonali, l-amministraturi tal-assi u l-kumpaniji jiġu alinjati aħjar. Il-KESE jappoġġja din ir-reviżjoni tad-direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti biex jiġi inkuraġġut impenn aktar fit-tul min-naħa tagħhom.

3.6.2

Ser ikun hemm ukoll valutazzjoni tal-iskemi ta' sjieda ta' ishma għall-impjegati (ESO) u tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati (EFP) madwar l-UE, bil-għan li jiġu identifikati diffikultajiet li jfixklu l-implimentazzjoni transkonfinali ta' dawn l-iskemi u sabiex jitfasslu azzjonijiet biex jindirizzawhom. Hemm ukoll impenn biex jiġi kkunsidrat jekk l-użu tal-valur ġust fl-IFRS 9 rivedut huwiex adegwat fir-rigward tal-mudelli tan-negozju b'investiment fit-tul. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tniedi konsultazzjoni aktar tard din is-sena biex teżamina l-ħtieġa għal standard ta' kontabbiltà simplifikat għar-rendikonti finanzjarji ta' SMEs elenkati u s-siwi ta' standard tal-kontabbiltà awtonomu għall-SMEs li m'humiex elenkati.

3.6.3

Il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi li hemm tendenza fiskali favur l-iffinanzjar tad-dejn fin-negozji madwar ħafna mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. L-effett ta' dan huwa li jinċentiva lill-kumpaniji biex jagħmlu aktar dejn flok ma jużaw l-ekwità. Il-Kummissjoni m'għandha l-ebda kompetenza f'dan il-qasam, u l-Komunikazzjoni sempliċement torbotha li tippromovi investiment akbar tal-ekwità, permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fil-proċess tas-semestru Ewropew. Fl-aħħar, il-Kummissjoni ser twettaq reviżjonijiet tar-rakkomandazzjoni reċenti dwar ir-ristrutturar minn kmieni ta' intrapriżi vijabbli u l-prinċipju tat-tieni opportunità fir-rigward tal-intraprendituri falluti, kif ukoll il-liġi applikabbli għall-aspetti tal-partijiet terzi fl-assenjazzjoni tar-reklamazzjonijiet. Ftit hemm xi tmaqdar f'dawn il-proposti.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2013) 150 final/1 u COM(2013) 150 final/2

(2)  COM(2013) 150 final/1 u COM(2013) 150 final/2

(3)  COM(2014) 167 final.

(4)  COM(2014) 172 final.

(5)  Dawn il-proposti qed jitqiesu mill-grupp ta' studju tal-KESE “Ir-riforma strutturali tal-banek tal-UE” (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  OJ C 327 of 12.11.2013, p. 11.

(7)  Bank għall-iżvilupp li huwa tal-Gvern Ġermaniż

(8)  Id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji

(9)  Direttiva dwar Impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli 2001/107/EC u 2001/108/EC

(10)  Restoring Financing and Growth to Europe's SMEs (2013)


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/96


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ewropa miftuħa u sikura: kif nagħmluha realtà”

COM(2014) 154 final

(2014/C 451/16)

Relatur:

is-Sur RODRÍGUEZ GARCÍA-CARO

Nhar l-14 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ewropa miftuħa u sikura: kif nagħmluha realtà

COM(2014) 154 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’85 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

B'konformità mal-pożizzjoni li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sostna tul iż-żmien, u li esprima fl-Opinjonijiet dwar il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Programm tal-Aja (1) u, wara, dwar il-Programm ta' Stokkolma (2), il-KESE jemmen li l-pedament u l-punt tat-tluq għall-politiki tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja għandhom ikunu l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-KESE huwa tal-fehma li l-politiki promossi mill-istituzzjonijiet Ewropej għandhom isibu kompromess bejn id-drittijiet fundamentali u s-sigurtà. Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE dwar id-Direttiva Nruo 2006/24/KE dwar iż-żamma għal mill-inqas sitt xhur ta' dejta marbuta ma' komunikazzjonijiet elettroniċi u telefoniċi taċ-ċittadini, din id-Direttiva ġiet meqjusa bħala invalida abbażi tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Madankollu, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żamma tad-dejta hija għan leġittimu li jissodisfa l-interessi ġenerali.

1.2

Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar iż-żieda fl-Ewropa tal-intolleranza, ir-razziżmu u l-ksenofobija kontra l-immigranti; u jinnota wkoll li f'ċerti Stati Membri jista' jkun li qed jitnaqqar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali. It-trattament ugwali u l-politiki tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jirrappreżentaw il-pilastri tal-politiki ta’ integrazzjoni. Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni taħtar Kummissarju uniku għat-tfassil, it-tisħiħ u l-adozzjoni ta' miżuri favur il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

1.3

Bl-istess mod, jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tirsisti biex tikkonsolida sistema internazzjonali li tiffaċilita u tirregola l-immigrazzjoni u l-mobbiltà, abbażi tal-konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti u l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Xogħol.

1.4

Bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata, il-KESE huwa msieħeb li jrid jitqies u li jrid ikun preżenti f'kull stadju tad-diskussjonijiet dwar “Ewropa miftuħa u sikura” li jsiru bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

1.5

Il-KESE jqis li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jmissha kienet aktar konkreta. Id-dokument huwa sensiela ta' ideat li jeħtieġu jkunu aktar konkreti u strutturati. Il-Kumitat jemmen ukoll li l-Komunikazzjoni jmissha poġġiet enfasi speċjali fuq il-problemi ewlenin li bħalissa qed iżommu lill-Ewropa milli tkun aktar miftuħa u sikura.

1.6

L-immigranti jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Ewropa, li min-naħa tagħha qed tiffaċċja sfida demografika kbira minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni. L-UE għaddejja minn kriżi ekonomika serja u għandha rati għoljin ta' qgħad, iżda anke f'din is-sitwazzjoni, is-swieq tax-xogħol f'għadd ta' Stati Membri jeħtieġu immigranti ġodda. Mingħajr politika serja dwar il-migrazzjoni, meta l-kriżi tingħeleb u ċ-ċiklu ekonomiku jinbidel jistgħu jiggravaw il-problemi strutturali kkawżati minn din is-sitwazzjoni demografika jekk ma jiġux adottati xi miżuri.

1.7

L-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi sistema komuni għall-asil b'leġislazzjoni armonizzata abbażi tat-Trattat għal politika komuni f'dan il-qasam. Il-Konvenzjoni ta' Dublin għandha tiġi sostitwita b'sistema ta' solidarjetà iżjed b'saħħitha fi ħdan l-UE, li tqis ukoll ix-xewqat tal-applikanti għall-asil.

1.8

Il-KESE jemmen li biex ikun hemm approċċ kredibbli għall-migrazzjoni irregolari u r-ritorn, hemm bżonn ta' azzjoni deċiżiva bl-istrumenti kollha disponibbli kontra l-kriminalità organizzata tat-traffikar tal-bnedmin. Jemmen bis-sħiħ li hija utli u meħtieġa koordinazzjoni akbar bejn l-Istati Membri biex jintuża l-potenzjal kollu tal-mezzi u l-istrumenti li jeżistu diġà għall-ġlieda kontra dawk li jgħinu u jiffaċilitaw b'mod illegali l-immigrazzjoni irregolari.

1.9

L-UE għandha terfa' r-responsabbiltà tal-kontroll tal-fruntieri esterni, li huma l-fruntieri tal-Unjoni Ewropea kollha fiż-żona Schengen. Billi tingħata prijorità lill-ħarsien ta' ħajjet il-persuni fil-periklu u lir-rispett tal-leġislazzjoni fis-seħħ, l-Aġenzija Frontex għandha tinbidel f'servizz Ewropew li jgħasses il-fruntieri.

1.10

Il-KESE jipproponi li l-Europol issir Aġenzija Ewropea li taqa' taħt awtorità politika jew ġudizzjarja Ewropea, bi rwol akbar minn dak ta' koordinazzjoni li taqdi diġà bħalissa, u biex mill-aktar fis possibbli jkollha l-kapaċità operattiva proprja tagħha biex tagħmel investigazzjonijiet fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea f'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istati Membri.

2.   Introduzzjoni

2.1

Minkejja li għaddew biss ftit snin mit-tnedija tal-Programm ta' Stokkolma għal “Ewropa miftuħa u sikura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini”, l-implimentazzjoni ta' xi miżuri proposti fih wasslu biex l-Unjoni Ewropea tiżviluppa politiki maħsubin għall-iżvilupp ta' soċjetà aktar miftuħa u sikura għal dawk kollha fostna li jgħixu fl-Unjoni Ewropea – din iż-żona wiesgħa ta' libertà u fehim. Trid tkun Unjoni Ewropea li fiha ma jiġi aċċettat u ttollerat bl-ebda mod lanqas l-iċken ħjiel ta' diskriminazzjoni, razziżmu jew ksenofobija.

2.2

It-tisħiħ taż-żona Schengen, il-ftehim dwar Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, it-titjib tal-politika komuni dwar il-viżi, iż-żieda fil-kooperazzjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fl-aktar forom perikolużi għall-bnedmin (terroriżmu, traffikar tal-bnedmin, kriminalità ċibernetika, eċċ.), kif ukoll żieda fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni, għalkemm huma kisbiet importanti, xorta waħda mhumiex biżżejjed.

2.3

F'dinja li kulma jmur qed issir dejjem aktar konnessa u interdipendenti, fejn il-fluss tal-informazzjoni huwa kostanti u fejn qed jinbtu sfidi mhux mistennija li jridu jiġu indirizzati, hemm bżonn navvanzaw u niżviluppaw livelli ogħla ta' libertà u sigurtà, kemm għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll għal dawk li ġejjin minn pajjiżi terzi, li jixtiequ jingħaqdu u jintegraw fis-soċjetà tagħna biex jikkontribwixxu għaliha u għall-valuri tagħna u jtejbu l-livell tal-għajxien tagħhom.

2.4

Hekk kif qed joqrob tmiem il-perjodu tal-Programm ta' Stokkolma (3), li dwaru l-KESE kien ħareġ Opinjoni obbligatorja (4), hemm bżonn li tingħata tweġiba għall-mistoqsija li tagħmel il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: kif tista' Ewropa miftuħa u sikura ssir realtà?

2.5

Nhar it-8 ta' April 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (5) ddikjarat invalida d-Direttiva Nru 2006/24/KE (6), li kienet tobbliga lill-Istati Membri li jżommu għal mill-inqas sitt xhur id-dejta relatata ma' komunikazzjoni elettronika jew telefonika taċ-ċittadini. Il-Qorti qieset li d-Direttiva, billi timponi ż-żamma tad-dejta u tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jaċċessawha, hija ksur partikolarment gravi tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali. Barra minn hekk, b'riżultat tal-fatt li d-dejta hija maħżuna u tista' tintuża wara mingħajr ma jiġi infurmat l-abbonat jew l-utent irreġistrat, il-persuni kkonċernati jistgħu jħossuhom li l-ħajja privata tagħhom hija soġġetta għal sorveljanza kontinwa. Il-Qorti ppreċiżat li ż-żamma tad-dejta dwar it-traffiku (jiġifieri b'mod impliċitu d-Direttiva) tirrappreżenta ksur serju tad-dritt fundamentali tal-ħajja privata ankrat f'Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Is-sentenza tal-Qorti tat-8 ta' April 2014 ikkonfermat l-importanza tar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini għall-konsolidazzjoni Ewropea. Il-Qorti, li invalidat id-Direttiva abbażi tal-prinċipju tal-proporzjonalità, hija tal-fehma li ż-żamma tad-data hija għan leġittimu li jissodisfa l-interessi ġenerali.

3.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1

Il-Komunikazzjoni hija r-riżultat ta' diskussjoni li fiha ħadu sehem l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha kkonċernati minn dawn il-politiki tal-Unjoni Ewropea, billi taw il-kontributi tagħhom permezz tal-konferenza “Open and Safe Europe: What's next” (Ewropa miftuħa u sikura: xi jmiss?) li saret fi Brussell f'Jannar 2014 bis-sehem tal-KESE, u permezz ta' konsultazzjoni pubblika li kellha parteċipazzjoni wiesgħa ħafna.

3.2

Il-Komunikazzjoni tinkludi introduzzjoni li fiha jiġi ppreżentat fil-qosor il-progress li sar s'issa fil-kisba tal-għanijiet ambizzjużi tal-Programm ta' Stokkolma, qabel ma tibda t-tieni parti tad-dokument, li tippreżenta sensiela ta' prijoritajiet politiċi.

3.3

Il-prijoritajiet huma mniżżlin kif ġej:

Politika effettiva tal-migrazzjoni u l-mobilità.

Schengen, il-viżi u l-fruntieri esterni.

L-applikazzjoni ta' Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA).

It-tisħiħ tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM).

Ewropa li tipproteġi.

4.   Kummenti

4.1   Politika effettiva tal-migrazzjoni u l-mobilità

4.1.1

Il-KESE esprima l-fehma tiegħu diversi drabi tul is-snin dwar il-politiki tal-migrazzjoni, il-mobilità u l-integrazzjoni. Għaldaqstant jixtieq itenni dawn il-fehmiet, speċjalment il-proposti li fihom u li għadhom ma ġewx ikkunsidrati. F'dan il-kuntest, il-KESE jaqbel mija fil-mija li jridu jiżdiedu kemm jista' jkun il-benefiċċji tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni għax bla dubju dawn iwasslu għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, kif juri d-dokument tal-Kummissjoni. Madanakollu, ma nistgħux ninsew li f'Ewropa fejn qed jikbru l-ideoloġiji razzisti u ksenofobiċi, it-tolleranza għal dawn il-movimenti għandha tkun żero. Fil-miżuri kollha li qed jiġu kkunsidrati għal Ewropa aktar miftuħa u sikura, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija għandha tkun azzjoni prijoritarja.

4.1.2

L-attirar ta' talent u ta' ħaddiema b'ħiliet ta' livell għoli, l-attirar u ż-żamma ta' studenti minn pajjiżi terzi biex wara jibqgħu jaħdmu fl-UE, l-iffaċilitar tar-rikonoxximent ta' kwalifiki minn dawn il-pajjiżi, l-assistenza u l-għajnuna għall-emigranti potenzjali fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom biex id-dħul fl-Unjoni jkun inqas diffiċli, kollha huma miżuri importanti u ta' valur kbir biex l-Istati Membri tal-Unjoni jistagħnew intellettwalment u ekonomikament u, għaldaqstant, għandhom jiġu appoġġjati mill-KESE. Iżda, qabel dan hemm bżonn li tiġi ċċarata din il-ħaġa: mod jinstabu talenti u persuni kkwalifikati minn pajjiżi terzi li diġà għandhom kapaċità kbira li jiġġeneraw valur intellettwali u ġid, u mod li jinstabu minn pajjiżi li qed isibuha diffiċli li jiżviluppaw u jiksbu livelli ogħla ta' ġid u prosperità. F'dan is-sens, din tista' tkun strateġija eċċellenti għall-Istati Membri tal-Unjoni, iżda għall-pajjiżi terzi tista' tfisser it-telf ta' kapital uman importanti. Hemm bżonn ta' kollaborazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi fil-qafas tas-Sħubijiet għall-Mobilità.

4.1.3

Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riperkussjonijiet li jista' jkollha din l-istrateġija f'pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw, li jixtiequ jżommu kapital uman imħarreġ u kkwalifikat biex joħorġu mill-istat ta' bżonn li jinsabu fih. Meta jkunu qed jitfasslu politiki għall-attirar ta' talent minn barra l-UE għandha tkun prijorità li meta jiġi attirat dan il-kapital jiġu introdotti miżuri ta' kumpens fil-pajjiżi ta' oriġini biex ma jintlaqatx it-tkabbir tagħhom. M'għandux jintesa li s-soluzzjoni fuq perjodu twil ta' żmien biex iċ-ċittadini li jkunu ġejjin minn pajjiżi sottożviluppati jkollhom ġejjieni aħjar, mhuwiex li jiġu attirati u integrati fl-UE biex isibu xogħol u kundizzjonijiet tal-ħajja aħjar, iżda li jsir sforz biex il-pajjiżi tagħhom jilħqu livelli ta' żvilupp li jippermettu li ċ-ċittadini tagħhom ma jarawx l-emigrazzjoni bħala l-unika possibbiltà għall-għajxien tagħhom.

4.1.4

Ir-rabta komplementarja u li ma tinħallx li teżisti bejn l-integrazzjoni u l-immigrazzjoni diġà kienet ġiet rikonoxxuta mill-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ta' Ġunju 2007. Matul is-snin, il-KESE esprima l-fehma tiegħu f'diversi Opinjonijiet dwar dan is-suġġett, u wera kemm-il darba l-fehma tiegħu dwaru. B'mod speċjali f'dan iż-żmien ta' diffikultajiet ekonomiċi hemm aktar bżonn li jiġi mtenni u mfakkar li “It-trattament ugwali u l-politiki tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jirrappreżentaw il-pilastri tal-politiki ta' integrazzjoni”. Din ir-rakkomandazzjoni tagħmel parti mill-Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar “L-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti” (7) imfassla fl-2010. Din l-Opinjoni għadha fis-seħħ bis-sħiħ, u huwa għalhekk li l-kontenut tagħha qed jiġi inkorporat f'dan id-dokument.

4.1.5

Il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni huwa pjattaforma eċċellenti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-immigranti. Il-Kumitat itenni l-impenn tiegħu li jkompli jikkollabora mal-Kummissjoni fl-attivitajiet tal-Forum u fl-iżvilupp tal-aġenda Ewropea għall-integrazzjoni.

4.1.6

Il-KESE jemmen li biex ikun hemm approċċ kredibbli għall-migrazzjoni irregolari u r-ritorn, hemm bżonn ta' azzjoni deċiżiva bl-istrumenti kollha disponibbli kontra l-kriminalità organizzata – li tuża lill-bnedmin bħala merkanzija li tiġġenera l-flus meta l-persuni jiddaħħlu fl-UE b'mod irregolari – kontra t-traffikanti tal-bnedmin li jisfruttaw sesswalment lin-nisa u lill-minorenni, u kontra dawk li japprofittaw ruħhom u jużaw ħaddiema irregolari u kważi fi skjavitù, billi l-vittmi jiġu ggarantiti l-protezzjoni tal-leġislazzjoni umanitarja internazzjonali u tal-konvenzjonijiet Ewropej tad-drittijiet tal-bniedem, peress li huma gruppi ta' nies vulnerabbli li jeħtieġu protezzjoni speċjali. Jemmen bis-sħiħ li hija utli u meħtieġa koordinazzjoni akbar bejn l-Istati Membri biex jintuża l-potenzjal kollu tal-mezzi u l-istrumenti li jeżistu diġà għall-ġlieda kontra dawk li jgħinu u jiffaċilitaw b'mod illegali l-immigrazzjoni irregolari.

4.1.7

Il-Kumitat jemmen li l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi hija l-qofol tas-soluzzjoni umanitarja u regolata għar-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom ta' dawk il-persuni li għażlu d-dħul irregolari fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni. Il-Kumitat jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) għall-promozzjoni tar-ritorn volontarju assistit.

4.1.8

Għal dan il-għan hemm bżonn ta' politika ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Afrika sub-Saħarjana, tan-Nofsinhar tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani, li tal-inqas tkun l-istess bħal dik li qed tiġi żviluppata ma' pajjiżi Ewropej li mhumiex fl-UE jew ma' pajjiżi Asjatiċi. Spanja, il-Greċja, l-Italja, Ċipru u Malta għandhom pressjoni għolja ta' migrazzjoni irregolari ġejja minn din iż-żona tad-dinja u li ssir bil-qsim tal-Mediterran u l-Balkani, u li jwasslu għal sitwazzjonijiet drammatiċi bħal dawk li seħħew mal-kosta ta' Lampedusa, u li jridu jiġu evitati assolutament. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li l-Unjoni Ewropea tkun involuta aktar f'din il-problema li hija tal-Unjoni Ewropea u, għaldaqstant, tal-Istati Membri kollha u mhux biss ta' dawk li jinsabu mal-fruntieri, billi toffri aktar soluzzjonijiet u inqas ċanfir lill-Istati Membri.

4.1.9

Wara t-traġedja ta' Lampedusa f'Ottubru 2013, twaqqfet it-Task Force fil-Mediterran. Din it-task force spiċċat xogħolha bil-pubblikazzjoni ta' Komunikazzjoni dwar ix-xogħol li wettqet (8), li pproponiet pakkett ta' azzjonijiet fuq perjodu qasir, medju u twil ta' żmien, f'ħames oqsma ta' azzjoni prinċipali, fuq l-istess linji tal-prijoritajiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li qed tiġi diskussa f'din l-Opinjoni. Fil-fehma tal-KESE, huwa fundamentali li l-azzjonijiet fuq perjodu qasir ta' żmien ikunu kkomplementati b'azzjonijiet fit-tul bil-għan li jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni mhux volontarja (faqar, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, kunflitti, nuqqas ta' opportunitajiet ekonomiċi, kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena, qgħad, eċċ.).

4.1.10

Bla dubju l-migrazzjoni irregolari hija perikoluża ħafna għall-ħajja ta' dawk li jkunu ġejjin mill-pajjiżi sub-Saħarjani u tiġi miġġielda aħjar fil-pajjiżi ta' oriġini milli fit-tranżitu u/jew fid-destinazzjoni. Il-KESE ser jappoġġja kwalunkwe miżura li twassal għal azzjoni fil-pajjiżi ta' oriġini, billi tintwera aktar determinazzjoni fil-kriżijiet umanitarji, jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-pajjiżi ta' oriġini, u fuq kollox billi jsir dak li sikwit intqal li se jsir iżda ma sarx dwar il-migrazzjoni ddisprata ta' mijiet ta' eluf jew miljuni ta' nies.

4.2   Schengen, il-viżi u l-fruntieri esterni

4.2.1

Meta tissemma Schengen, in-nies jifhmu li din tirrappreżenta l-moviment liberu tal-persuni fl-Istati firmatarji kollha. Il-libertà tal-moviment u r-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni huwa dritt protett u rregolat mit-Trattati. L-ikkompletar u l-flessibbiltà tal-politika komuni tal-viżi, il-valutazzjoni b'mod individwali ta' kull applikazzjoni mingħajr preġudizzji ta' nazzjonalità, l-istabbiliment ta' ċentri tal-viżi ta' Schengen u r-reviżjoni tal-lista tal-pajjiżi li jeħtieġu l-viża. dawn l-aspetti kollha huma importanti u jistħoqqilhom azzjoni konġunta biex jiġu żgurati approvazzjoni u implimentazzjoni aħjar.

4.2.2

Madanakollu, il-Kumitat wisq jibża' li mhuwiex kredibbli li l-Istati Membri ser jiffaċilitaw l-aċċess taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-Istati Membri tal-Unjoni meta fl-istess ħin hemm Stati Membri li qed jheddu lil ċittadini tal-Unjoni stess li se jkeċċuhom lura lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom minħabba li huma qiegħda jew sempliċement qed jinżammu milli jidħlu. Il-Kumitat jiddispjaċih li, fin-nuqqas ta' moviment liberu u sħiħ għaċ-ċittadini tal-Unjoni, mhuwiex kredibbli li dan jista' jiġi applikat għal ċittadini ta' pajjiżi terzi.

4.2.3

Għal dak li għandu x'jaqsam mal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, il-KESE jistaqsi jekk is-sehem tal-UE fil-ħarsien tal-fruntiera tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Unjoni hijiex adegwata għar-realtà li teżisti bħalissa hemmhekk. Minkejja t-tisħiħ tar-rwol tal-Frontex, li sar permezz tal-emenda għar-Regolament KE Nru 2007/2004 tal-Kunsill, hemm bżonn nistaqsu jekk il-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni hijiex possibbli fl-Unjoni llum il-ġurnata. Il-KESE jfakkar u jtenni r-rakkomandazzjonijiet li għamel fl-Opinjoni tiegħu (9) dwar il-proposta għal emenda ta' dan ir-Regolament u jemmen li l-Frontex għandha tinbidel f'servizz Ewropew li jgħasses il-fruntieri li jkun magħmul minn kontinġent Ewropew ta' għassiesa tal-fruntieri.

4.2.4

L-applikazzjoni tal-pakkett “Fruntieri Intelliġenti”, li dwaru l-KESE kien ħareġ Opinjoni (10), abbażi ta' Programm ta' Vjaġġaturi Rreġistrati li ser jippermetti lill-vjaġġaturi frekwenti minn pajjiżi terzi li jidħlu fl-UE bl-użu ta' kontrolli semplifikati fil-fruntieri wara skrutinju u awtorizzazzjoni minn qabel, kif ukoll Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) li għandha tirreġistra l-ħin u l-post tad-dħul u l-ħruġ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw fl-UE li ser tippermetti li jiġu mgħaġġla, iffaċilitati u msaħħa kemm il-proċeduri ta' kontroll fil-fruntieri kif ukoll il-qsim tal-fruntieri minn ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw lejn l-UE. Il-KESE juri l-appoġġ tiegħu għall-implimentazzjoni ta' dan il-pakkett għax jinsab konvint li l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda ser tiffaċilita l-ġestjoni tal-fruntieri tal-Unjoni b'mod aktar modern. Għaldaqstant jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej biex iħaffu l-istrumenti legali li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni rapida ta' dawn it-teknoloġiji.

4.3   Sistema Ewropea Komuni tal-Asil

4.3.1

Il-Kumitat iqis li sar bosta progress f'dak li għandu x'jaqsam mat-twaqqif ta' qafas leġislattiv fl-Unjoni li jtejjeb l-aċċess għall-asil għal dawk li jeħtieġu protezzjoni, billi d-deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-asil qed jingħataw aktar malajr u huma aktar affidabbli. Minkejja dan, rigward it-traspożizzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea fil-leġislazzjonijiet nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha, il-KESE jfakkar u jtenni l-osservazzjoni li għamel fl-Opinjoni (11) tiegħu dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-programm ta' politika dwar l-ażil: approċċ integrat għall-protezzjoni fl-UE” (12), li dwar l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-asil fl-Istati Membri kien irrakkomanda: “L-UE għandha tiżviluppa leġiżlazzjoni komuni mingħajr ma tikkomprometti l-istandards tal-protezzjoni, b’mod li jkunu l-Istati Membri li għandhom livelli insuffiċjenti ta’ ħarsien li jkollhom ibiddlu l-leġiżlazzjoni tagħhom. L-Istati Membri dejjem ser ikollhom livell ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ażil, iżda l-KESE jappoġġja biss leġiżlazzjoni tal-UE li tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni u tnaqqas il-possibbiltà ta’ interpretazzjoni li, kif qed jiġri bħalissa, tista’ tfixkel milli l-leġiżlazzjoni tiġi applikata b’mod korrett.”

4.3.2

Hemm bżonn li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil tiġi kkonsolidata biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha japplikaw l-istess kriterji, kif ukoll tiġi garantita ċ-ċertezza legali tal-applikanti għall-asil. Il-KESE jemmen li s-solidarjetà bejn l-Istati Membri tista' tkun wieħed mill-aspetti li jeħtieġu aktar sforz. Fil-fatt, minħabba għadd ta' ċirkostanzi, jista' jkun hemm pressjoni ikbar fuq ċerti Stati Membri. F'dan il-kuntest, l-istess bħad-difiża tal-fruntieri esterni, hemm bżonn ta' aktar Unjoni.

4.3.3

Madanakollu, u fid-dawl tal-esperjenza u l-evidenza li jeżistu dwar il-migrazzjoni irregolari, tajjeb li nistaqsu jekk fiċ-ċirkostanzi preżenti jistgħux jintlaħqu aktar solidarjetà u responsabbiltà kondiviża f'dan il-qasam. Għaldaqstant, biex tingħata tweġiba għall-mistoqsija ta' kif tista' titrawwem is-solidarjetà u r-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, il-Kumitat jaqsam il-fehma tal-Kummissjoni li għandha titħeġġeġ ir-rilokazzjoni fi Stati oħra b'inqas pressjoni kif ukoll it-twaqqif ta' ċentri ta' akkoljenza komuni. Kif imfisser mill-KESE fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar “L-immigrazzjoni irregolari bil-baħar fir-reġjun Ewro-Mediterranju” (13): “Dan ma jirrigwardax biss it-turija ta' solidarjetà, iżda li l-Istati Membri kollha jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom permezz ta' mekkaniżmi li jaqsmu l-piż li ġġib magħha l-immigrazzjoni irregolari.”

4.3.4

Rigward il-ġestjoni ta' kwantitajiet kbar ta' persuni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi bħal fil-każ tas-Sirja u b'rabta mat-talbiet għal asil permezz tal-applikazzjoni ta' strumenti aktar flessibbli, kif imfisser mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha, tajjeb li nfakkru li l-KESE fil-passat diġà appoġġja l-ħolqien ta' proċedura komuni tal-asil li ma tħallix lok għat-tixrid ta' rekwiżiti differenti fl-Istati Membri individwali (14). Il-flessibbiltà murija mill-Kummissjoni għandha tapplika biss għall-protezzjoni temporanja u dan iżid il-ħtieġa għal sforz akbar mill-awtoritajiet biex jevalwaw it-talbiet ta' dawk li verament jeħtieġu l-asil u jiġu distinti minn dawk li japplikaw b'mod qarrieqi.

4.4   Insaħħu l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità

4.4.1

Il-mobilità u l-migrazzjonijiet tan-nies mhumiex motivati biss mix-xewqa għal ġejjieni aħjar. Matul is-sekli, l-instabbiltà, it-taqlib politiku, it-tibdil fil-klima u ħafna fatturi oħrajn ikkawżaw u għadhom s'issa jikkawżaw movimenti kbar tan-nies. Id-differenza bejn migrazzjonijiet tal-passat u dawk li jseħħu llum il-ġurnata hija l-garanzija u r-rispett tad-drittijiet fundamentali li għandu kull individwu. Huwa għalhekk li l-Unjoni Ewropea, li tiġbor fiha l-ikbar żona ta' libertà u sigurtà fid-dinja, trid tikkollabora mal-pajjiżi ta' oriġini biex tħeġġeġ mobilità b'mod ordnat li tiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi, u tbiegħedhom min-netwerks tal-kriminalità organizzata li jittraffikaw il-bnedmin.

4.4.2

Fl-Opinjoni tiegħu (15) dwar “L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità” (16), il-KESE esprima b'mod ċar li jaqbel mal-“Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM), li jorbot mill-qrib il-politiki dwar l-immigrazzjoni u l-asil mal-politika esterna tal-UE”. Dwar dan il-KESE tenna l-pożizzjoni tiegħu tul is-snin u permezz ta' għadd ta' stqarrijiet, u għadu s'issa jagħti l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp ta' rabta dejjem aktar mill-qrib bejn id-dimensjoni interna u dik esterna tal-politika migratorja u tal-mobilità, u għaż-żieda fil-koerenza tal-politiki tal-immigrazzjoni u tal-asil tal-Unjoni u tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

4.5   Ewropa li tipproteġi

4.5.1

L-Istrateġija dwar is-Sigurtà Interna adottata fl-2010 tipprevedi azzjoni konġunta tal-UE dwar it-theddid ewlieni għas-sigurtà. Hija bbażata fuq ħames għanijiet strateġiċi li, minkejja li għadhom fis-seħħ, għandhom jiġu riveduti u aġġornati għall-isfidi tal-ħames snin li ġejjin, billi jitħeġġu sinerġiji ma' oqsma importanti oħra li fihom is-sigurtà hija essenzjali għall-konsolidazzjoni u l-progress tagħhom.

4.5.2

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li l-isfaxxar tan-netwerks kriminali internazzjonali li joperaw fl-Unjoni għandu jkun fost il-prijoritajiet tal-Istati Membri kollha, u l-koordinazzjoni tal-isforzi biex dan jintlaħaq għandha tkun għan tal-Unjoni. Il-kriminalità organizzata dejjem tinsab pass aktar 'il quddiem mill-miżuri legali u mir-riżorsi tal-pulizija. L-internazzjonalizzazzjoni tal-kriminalità organizzata teħtieġ sforz ta' kooperazzjoni u kollaborazzjoni kbir bejn l-Istati Membri, li għandu jkun ikkoordinat mill-qrib mill-Unjoni Ewropea.

4.5.3

Ma nistgħux inħallu li d-differenzi fil-leġislazzjonijiet u fil-kompetenzi tal-pulizija, kif ukoll l-istess tip ta' każijiet ripetuti quddiem il-qrati jwasslu biex in-netwerks kriminali ma jiġux sfaxxati jew ikun hemm dewmien biex dan isir. Jekk teżisti kriminalità mingħajr fruntieri, għandna navvanzaw aktar malajr lejn ġustizzja mingħajr fruntieri fl-Unjoni. Il-KESE jqis li ma nistgħux nibqgħu nipposponu soluzzjonijiet globali kontra l-kriminalità organizzata.

4.5.4

Il-Kumitat jemmen li t-taħriġ u l-informazzjoni fihom infushom mhumiex biżżejjed biex jiġu sfaxxati n-netwerks kriminali, u għaldaqstant iħeġġeġ biex minkejja li jitkompla l-programm Ewropew ta' taħriġ tal-uffiċjali tal-applikazzjoni tal-liġi, titqies il-possibbiltà li l-Europol issir pulizija tal-investigazzjoni operattiva, b'kompetenzi fil-livell tal-Unjoni biex tgħasses il-kriminalità organizzata transkonfinali, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mat-traffikar tal-bnedmin, billi jiżdied il-livell tal-funzjonijiet tagħha minn rwol ta' koordinazzjoni għal operazzjonijiet sħaħ. Fid-dawl ta' dan, nixtiequ nisħqu fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Opinjoni esploratorja dwar “Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu” (17) fejn il-KESE ppropona li l-Europol issir Aġenzija Ewropea li taqa' taħt awtorità politika jew ġudizzjarja Ewropea, bi rwol akbar minn dak ta' koordinazzjoni li taqdi diġà bħalissa, u biex mill-aktar fis possibbli jkollha l-kapaċità operattiva proprja tagħha biex tagħmel investigazzjonijiet fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea f'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istati Membri.

4.5.5

It-tfassil permanenti ta' orizzonti, għanijiet u dati mmirati fuq perjodu twil ta' żmien jista' jwassal biex iċ-ċittadini jgħajjew għax huma jridu s-soluzzjonijiet. Anke f'dawn l-oqsma tant importanti għall-ħajja ta' kuljum tal-persuni, irridu nintroduċu l-flessibbiltà u nneħħu l-burokrazija, għax inkella jkompli jiżdied l-Ewroxettiċiżmu.

4.5.6

Fl-aħħar rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea joħroġ ċar li l-korruzzjoni għadha problema fuq skala Ewropea. Għandhom jittieħdu passi legali u sanzjonijiet kontra l-abbuż tal-poter għall-qligħ personali, speċjalment fejn tkun involuta wkoll il-kriminalità organizzata. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-kooperazzjoni interistituzzjonali u mal-Istati Membri biex tiġi miġġielda din il-pjaga li tnawwar il-kredibbiltà tas-sistema politika tagħna.

4.5.7

Il-KESE juri l-appoġġ u l-qbil tiegħu għal kwalunkwe inizjattiva leġittima u demokratika li tiġi applikata għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ. M'hemmx dubju li kull miżura leġittima u demokratika li twaqqaf liż-żgħażagħ milli jissieħbu f'movimenti jew partiti estremi li jeħduhom u jinċitawhom direttament fit-triq ta' prattiki terroristiċi, għandha tingħata l-appoġġ fil-livell tal-Unjoni u barra mill-fruntieri tagħha. L-identifikazzjoni ta' oqsma ta' riskju u ta' punti fokali li fihom jiġu rreklutati persuni għal ideat estremi hija prijoritarja biex tiġi garantita s-sigurtà individwali u kollettiva tagħna. F'dan il-kuntest, għandu jkun hemm informazzjoni ħielsa biex l-attivitajiet ta' radikalizzazzjoni u reklutaġġ jinqabdu mill-bidu u għandhom jittieħdu miżuri ħarxa biex jitwaqqfu malli jinbtu. Hawnhekk il-Kumitat ifakkar u jtenni r-rakkomandazzjonijiet li għamel fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-linja politika tal-UE kontra t-terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur”.

4.5.8

Irridu nżommu quddiem għajnejna li t-terroriżmu jista' jiġi minn barra l-fruntieri tagħna, iżda jista' anke jibda minn ġewwa, kif tgħallimna l-istorja reċenti tal-Ewropa. Għaldaqstant iridu nipprevjenu li r-radikalizzazzjoni u l-użu tal-vjolenza estrema, fl-irvelli fit-toroq tal-bliet Ewropej, jintużaw bħala punt fokali għar-reklutaġġ għal azzjonijiet futuri ta' gruppi ddikjarati pubblikament bħala gruppi terroristiċi. Il-vjolenza fit-toroq ma tagħrafx fruntieri u l-persuni vjolenti sikwit ikunu jistgħu jiċċaqilqu minn Stat għal ieħor u japprofittaw ruħhom minn avvenimenti li jseħħu hemm. Għalhekk il-Kumitat iqis li hemm bżonn ta' koordinazzjoni akbar bejn il-politiki tal-Istati differenti, biex jiġu identifikati u tittieħed azzjoni kontra dawn il-gruppi vjolenti li wara jistgħu jingħaqdu ma' gruppi terroristiċi.

4.5.9

Il-KESE juri l-appoġġ tiegħu għall-miżuri li qed jiġu applikati biex jiżdied il-livell ta' sigurtà għaċ-ċittadini u l-intrapriżi fiċ-ċiberspazju. Fid-dawl taż-żieda mbassra tal-kriminalità fin-netwerks tal-internet, il-miżuri li qed twettaq l-Unjoni Ewropea kontra ċ-ċiberkriminalità jistħoqqilhom l-appoġġ kollu possibbli. Bl-istess mod, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi għandha twassal biex il-problema tal-kriminalità fuq skala globali tiġi indirizzata fuq livell dinji u mingħajr fruntieri. Għal darb'oħra, il-prevenzjoni hija fundamentali biex jiġi evitat li ċ-ċiberkriminali jgħadduna fl-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda. Minkejja li twaqqaf reċentement u ftit ilu jaħdem, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità għandu jingħata aktar riżorsi u finanzi.

4.5.10

Il-KESE, bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata tal-UE, ma jistax jifhem kif għad hemm Stati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra ċ-Ċiberkriminalità.

4.5.11

F'Ewropa li, fost libertajiet oħra, hija bbażata fuq il-libertà tal-moviment tal-persuni u l-merkanzija, it-tisħiħ tas-sigurtà permezz tal-ġestjoni tal-fruntieri għandu jinbidel f'azzjoni politika komuni li tiggarantixxi s-sigurtà liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. Id-dħul ta' merkanzija minn kwalunkwe dwana u l-moviment ħieles tagħha madwar l-Unjoni kollha jeħtieġ strumenti sodi u komuni għal ġestjoni effikaċi tal-fruntieri esterni, u li ma jippermettux l-eżistenza ta' fruntieri ħorox u oħrajn laxki.

4.5.12

Diġà jeżisti rispons komuni għal sitwazzjonijiet gravi, anke mingħajr il-bżonn ta' regolazzjoni, meta n-nies jagħtu l-għajnuna tagħhom b'mod spontanju mingħajr ma l-ebda awtorità jkollha bżonn tistaqsi. Madanakollu, l-azzjoni kkoordinata u r-rispons konġunt għal sitwazzjonijiet ta' kriżi u diżastri, huwa valur miżjud biex tiżdied l-effettività u l-effiċjenza tar-rispons għal dawn is-sitwazzjonijiet.

4.5.13

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-ħolqien tas-sigurtà interna jitlob ukoll azzjoni li tmur lil hinn mill-fruntieri tagħna, jiġifieri li tittieħed azzjoni globali. Fl-oqsma kollha marbutin mal-libertà u s-sigurtà, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi hija essenzjali biex inkomplu nimxu 'l quddiem lejn dinja aħjar u aktar ġusta, li fiha l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu ma jheddux il-libertajiet u d-drittijiet li ksibna lkoll b'tant tbatija.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 65, 17.3.2006, p. 120-130 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 80-88

(3)  ĠU C 115, 4.5.2010

(4)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 80-88

(5)  http://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2014-04/cp140054en.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54).

(7)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 16-22

(8)  COM(2013) 869.

(9)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 162-166

(10)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 97

(11)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 78

(12)  COM(2008) 360 final.

(13)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 32

(14)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 78

(15)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 134

(16)  COM(2011) 743 final.

(17)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 147 (mhux disponibbli bil-Malti).


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/104


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Aġenda tal-Ġustizzja tal-UE għall-2020 – It-tisħiħ tal-fiduċja, tal-mobbiltà u tat-tkabbir fl-Unjoni”

COM(2014) 144 final

(2014/C 451/17)

Relatur:

IS-SUR VERBOVEN

Nhar l-14 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Aġenda tal-Ġustizzja tal-UE għall-2020 – It-Tisħiħ tal-Fiduċja, tal-Mobbiltà u tat-Tkabbir fl-Unjoni

COM(2014) 144 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni bi 72 vot favur u vot wieħed (1) kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat ħa nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u qies li kien hemm bżonn li jagħmel xi kummenti dwar l-għanijiet ta' politika mfassla mill-Kummissjoni, kif ukoll li jagħmel għadd ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi oħra.

1.2

Fir-rigward tal-għan ta' politika dwar it-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka, il-Kumitat huwa tal-fehma li din hija prijorità ta' politika ġustifikata u konformi mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fit-taqsima dwar il-ġustizzja. Madankollu, fir-rigward tal-inizjattivi li jistgħu jittieħdu fil-ħames snin li ġejjin biex tissaħħaħ din il-fiduċja, il-Kummissjoni hija vaga u ma daħlitx fil-fond. Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandha tkompli titħeġġeġ il-kooperazzjoni li fil-passat twettqet billi ntlaħqu ftehimiet ta' kooperazzjoni, bil-ħolqien ta' strumenti ta' segwitu.

1.3

Fir-rigward tal-għan ta' politika dwar il-kontribuzzjoni għat-tkabbir ekonomiku, il-Kumitat jinnota li l-isforz għat-tkabbir ekonomiku huwa rikonoxxut bħala prijorità importanti, tal-inqas jekk ikun immirat lejn tkabbir sostenibbli. Madankollu, it-tkabbir ekonomiku waħdu ma jistax ikun ikkunsidrat bħala għan ta' politika fi ħdan il-politika tal-ġustizzja li, b'kunsiderazzjoni tat-TFUE, għandha tiżgura b'mod prijoritarju livell għoli ta' sigurtà u aċċess faċli għall-ġustizzja, ħaġa li m'għandhiex tkun sekondarja għat-tkabbir ekonomiku. Dan ma jbiddilx il-fatt li ġustizzja li tiffunzjona sew fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jista' jkollha effett pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Unjoni billi l-kunflitti ċivili jkunu jistgħu jiġu indirizzati iktar malajr u b'mod iktar effettiv, u tittejjeb iċ-ċertezza legali, u fil-livell kriminali jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-fenomeni bħall-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata li huma ta' ħsara għall-ekonomija regolari.

1.4

Fir-rigward tal-għan ta' politika għall-appoġġ tal-mobilità, il-Kumitat jirrimarka li l-appoġġ għall-mobbiltà fl-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari billi jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw drittijiethom kullimkien fl-Unjoni, jista' jintrabat mal-għan stabbilit mit-TFUE tal-iffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja. Għandu jiġi enfasizzat li fit-Titolu V ma tiġix proposta biss 'libertà' bħala għan, iżda anke sigurtà u ġustizzja, li jistgħu jwasslu għal-limitazzjoni tal-libertà. Minflok kontribuzzjoni għall-mobbiltà, l-għan għandu jkun il-protezzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja effiċjenti għaċ-ċittadini kollha li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment ħieles.

1.5

Barra minn hekk, il-Kumitat jirrimarka li fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hemm xi affarijiet li ma jissemmewx, li għad jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

L-ewwel nett jista' jiġi kkunsidrat li fl-Istati Membri jinħatru maġistrati speċjalizzati fil-liġi Ewropea, sabiex ikun hemm iktar ċertezza legali għaċ-ċittadin f'każ ta' tilwim li jikkonċerna l-leġislazzjoni Ewropea.

It-tieni nett, jista' jiġi kkunsidrat li titwaqqaf operazzjoni Ewropea ta' pulizija u spezzjoni, sabiex il-kriminalità u l-frodi b'aspetti transkonfinali jkunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv.

It-tielet nett, fil-qasam kriminali għandu jiġi analizzat x'għandu jkun il-livell minimu għall-penali kriminali biex jiġu determinati l-atti kriminali u s-sanzjonijiet b'rabta ma' tipi ta' kriminalità partikolarment serji b'dimensjoni transkonfinali, bħat-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali, it-traffikar ta' drogi illegali, it-traffikar tal-armi, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, l-iffalsifikar, iċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità organizzata.

Ir-raba' nett tista' tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni obbligatorja tal-azzjoni kollettiva (class action) li għandha ttejjeb ir-rikors legali għaċ-ċittadini tal-UE.

Il-ħames nett tkun ħaġa tajba li tinżamm tabella ta' valutazzjoni tar-riżultati tat-twettiq fil-qasam tal-ġustizzja u b'mod partikolari l-implimentazzjoni tal-pjani ta' politika.

Is-sitt nett huwa assolutament essenzjali li fil-Kummissjoni l-ġdida jinħatar Kummissarju inkarigat mid-drittijiet tal-bniedem.

2.   Il-kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni  (1)

2.1   Kuntest tal-Komunikazzjoni

2.1.1

Il-Kummissjoni Ewropea diġà nediet diversi inizjattivi leġislattivi, kemm fil-qasam kriminali kif ukoll dak ċivili, li permezz tagħhom diġà ttieħdu għadd numeruż ta' passi biex jinkiseb spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

2.1.2

Il-linji gwida ġew stabbiliti f'diversi pjani ta' ħames snin bħall-Programm ta' Tampere, il-Programm tal-Aja u fl-aħħar nett il-Programm ta' Stokkolma. L-aħħar wieħed jintemm fl-aħħar tal-2014. Fid-dawl ta' tmiem il-Programm ta' Stokkolma, u b'kunsiderazzjoni taż-żieda fis-setgħat tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja permezz tat-Trattat ta' Lisbona, l-għan tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa li tiddetermina l-prijoritajiet politiċi li għandhom jiġu segwiti biex sal-2020 isir progress fit-triq lejn spazju Ewropew ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li jaħdem sew, u bbażat fuq il-fiduċja, il-mobilità u t-tkabbir.

2.1.3

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li tikkontribwixxi għal-linji gwida strateġiċi tal-ippjanar leġislattiv u operattiv li l-Kunsill Ewropew ftiehem dwarhom skont l-Artikolu 68 tat-TFUE bil-għan li jinkiseb spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, kif ukoll l-għażliet strateġiċi li l-Parlament Ewropew ser jagħmel f'dan il-qasam (2).

2.2   Kontenut tal-Komunikazzjoni

2.2.1

Sfidi għall-ġejjieni/għanijiet ta' politika

Fil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni tiddefinixxi tliet għanijiet għall-ġejjieni:

a)

Fiduċja reċiproka

Li tkompli tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini, il-prattikanti tal-liġi u l-imħallfin fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji, irrispettivament mill-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea li jkunu ttieħdu fih.

b)

Mobbiltà

L-ostakli li għadhom jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għall-moviment ħieles għandhom jitneħħew.

c)

Tkabbir ekonomiku

Il-politika tal-ġustizzja għandha tibqa' tappoġġja t-tkabbir ekonomiku, fost oħrajn billi fir-relazzjonijiet kummerċjali transkonfinali ssaħħaħ l-infurzabbiltà tal-kuntratti u bl-appoġġ tal-ekonomija diġitali.

2.2.2

Il-mezzi definiti mill-Kummissjoni għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija hawn fuq huma: il-konsolidazzjoni, il-kodifikazzjoni u t-twettiq. Hawnhekk il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li l-komplementarjetà tal-istrumenti ta' politika eżistenti dejjem għandha titwettaq bil-għan li tittejjeb il-fiduċja reċiproka u jissaħħaħ it-tkabbir u li jagħmlu ħajjet iċ-ċittadini iktar faċli.

3.   Kummenti

Kummenti dwar l-għanijiet ta' politika definiti mill-Kummissjoni

3.1   Il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja

3.1.1

Il-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja ġew determinati b'mod espliċitu fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE. Dan it-titolu jismu: L-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

3.1.2

L-Artikolu 67 tat-TFEU jipprevedi li l-Unjoni għandha tikkonsisti fi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri.

3.1.3

F'dan il-kuntest l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom il-kompitu (3):

li jiżguraw li ma jkunx hemm kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni u li tiġi żviluppata politika komuni dwar l-asil, l-immigrazzjoni u l-kontroll fil-fruntieri esterni;

li jiżguraw livell għoli ta' sigurtà;

li jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja.

3.1.4

Sabiex twettaq dawn il-kompiti l-Unjoni hija kompetenti fil-qasam tal-ġustizzja, il-pulizija u l-asil u l-migrazzjoni.

3.1.5

Fir-rigward tal-ġustizzja, l-Unjoni għandha s-setgħa kemm fil-qasam ċivili kif ukoll dak kriminali.

3.1.6

Il-kompetenzi fil-qasam kriminali jinkludu l-ewwel nett il-kompetenza li tadotta miżuri sabiex jiġi implimentat il-prinċipju tar-rikonoxximennt reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u li tiddetermina regoli minimi fi proċeduri kriminali. Din il-kompetenza tinkludi pereżempju l-kompetenza li tiddetermina regoli minimi f'każijiet tad-drittijiet tal-persuni fil-proċedura kriminali jew ta' vittmi tal-kriminalità, kif ukoll il-kompetenza li tadotta miżuri biex jiġu evitati u solvuti kunflitti ta' ġurisdizzjoni. It-tieni nett, il-kompetenzi fil-qasam kriminali tal-UE jinkludu l-kompetenza li jiġu stabbiliti regoli minimi dwar id-determinazzjoni ta' ksur u sanzjonijiet kriminali b'rabta ma' tipi ta' kriminalità partikolarment serji b'dimensjoni transkonfinali, bħat-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali, it-traffikar ta' drogi illegali, it-traffikar ta' armi illegali, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, l-iffalsifikar, iċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità organizzata. It-tielet nett, l-UE tista' tieħu miżuri biex titħeġġeġ il-prevenzjoni tal-kriminalità. Ir-raba' nett, il-kompetenza fil-qasam kriminali tinkludi l-konsolidazzjoni u l-iżvilupp tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li għandhom ir-responsabbiltà tar-riċerka u s-segwitu. Il-ħames nett, il-kompetenza fil-qasam kriminali tinkludi l-kompetenza tat-twaqqif ta' Ministeru Pubbliku Ewropew bil-għan li jiġu miġġielda l-atti kriminali li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

3.1.7

Il-kompetenzi ġudizzjarji fil-qasam ċivili tal-UE jinkludu l-kompetenza li jittieħdu miżuri meħtieġa biex (1) jiġi promoss u eżegwit ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri, (2) it-tifsira u l-għoti tal-għarfien dwar it-transkonfinalità jsiru iktar faċli, (3) jiġu determinati r-regoli dwar l-allokazzjoni tal-kompetenzi ġurisdizzjonali u t-twaqqif tal-liġi applikabbli (id-dritt internazzjonali privat), (4) l-iżgurar ta' kooperazzjoni fil-ġbir tal-provi, (5) il-garanzija ta' aċċess ġenwin għar-rikors legali, u (6) it-tneħħija tal-ostakli għat-tħaddim tajjeb tal-proċedura tal-liġi ċivili, (7) ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-kunflitt ta' liġijiet u ta' kompetenzi jsiru kompatibbli, u (8) l-iżvilupp ta' metodi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim.

3.2   Fir-rigward tal-konformità tal-għanijiet ta' politika definiti mill-Kummissjoni mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja

3.2.1   Fir-rigward tal-għanijiet ta' politika dwar it-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka

3.2.1.1

Huwa ġustifikabbli li fil-qasam tal-ġustizzja l-Kummissjoni tipproponi għan ta' politika għat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti fid-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom, u dan l-għan għandu jiġi appoġġjat, anke jekk huwa iktar mezz biex titwettaq il-kooperazzjoni ġudizzjarja milli għan fih innifsu.

3.2.1.2

Skont it-TFUE l-Unjoni għandha timplimenta politika kemm fil-qasam kriminali kif ukoll dak ċivili li tkun immirata lejn il-kooperazzjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li jassumi l-fiduċja reċiproka fid-deċiżjonijiet ta' xulxin (4).

3.2.1.3

Madankollu, fir-rigward tal-inizjattivi li jistgħu jittieħdu fil-ħames snin li ġejjin biex tissaħħaħ din il-fiduċja reċiproka, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija vaga u ma daħlitx fil-fond. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni li fil-passat twettqet billi ntlaħqu ftehimiet ta' kooperazzjoni tista' titħeġġeġ u tiġi appoġġjata iktar billi jinħolqu strumenti ta' segwitu ġudizzjarji.

3.2.2   Fir-rigward tal-għan ta' politika tal-appoġġ għat-tkabbir ekonomiku

3.2.2.1

Mhijiex ħaġa evidenti li fil-qasam tal-ġustizzja l-Kummissjoni tipproponi appoġġ għat-tkabbir ekonomiku. Fit-TFUE l-Unjoni tingħata setgħat fil-ġustizzja biex jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà fil-qasam kriminali u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għar-rikors legali fil-qasam ċivili. Dawn huma għanijiet li mhumiex sekondarji għal għan bħat-tkabbir ekonomiku.

3.2.2.2

Tul dawn l-aħħar snin, b'mod partikolari taħt l-effett tal-kriżi finanzjarja u l-kriżi tad-dejn sovran u b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020, il-politika tal-UE fir-rigward tal-ġustizzja saret ukoll strument bil-għan li jappoġġja l-irkupru ekonomiku, it-tkabbir u r-riformi strutturali. Il-Kumitat jenfasizza madankollu li t-tkabbir ekonomiku waħdu ma jistax ikun ikkunsidrat bħala għan ta' politika fi ħdan il-politika tal-ġustizzja. Jeħtieġ li jiġi evitat li, fil-politika futura tal-UE dwar il-ġustizzja, tingħata prijorità f'kull każ lill-inizjattivi li għandhom l-għan uniku li jiffaċilitaw l-iskambji kummerċjali jew li jistgħu jiġu interpretati biss fid-dawl ta' dan il-għan. Għaldaqstant, hemm ir-riskju li aspetti oħra relatati ma' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, jew saħansitra aktar relatati ma' dan, ma jiġux ikkunsidrati (jew ma jibqgħux jiġu kkunsidrati), bħall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

3.2.2.3

L-isforz għat-tkabbir ekonomiku huwa rikonoxxut bħala prijorità importanti, tal-inqas sakemm l-għan ikun it-tkabbir sostenibbli. Madankollu, it-tkabbir ekonomiku waħdu ma jistax ikun ikkunsidrat bħala għan ta' politika fi ħdan il-politika tal-ġustizzja li, b'kunsiderazzjoni tat-TFUE, għandha tiżgura b'mod prijoritarju livell għoli ta' sigurtà u aċċess faċli għall-ġustizzja, ħaġa li m'għandhiex tkun sekondarja għat-tkabbir ekonomiku. Dan ma jbiddilx il-fatt li ġustizzja li tiffunzjona sew fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jista' jkollha effett pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Unjoni billi l-kunflitti ċivili jkunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv u tittejjeb iċ-ċertezza legali, u fil-livell kriminali jiġu indirizzati b'mod effettiv il-fenomeni bħall-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata li huma ta' ħsara għall-ekonomija regolari.

3.2.3   Fir-rigward tal-għan ta' politika għall-appoġġ tal-mobbiltà

3.2.3.1

Il-fatt li l-Kummissjoni, fil-qasam tal-ġustizzja, tipproponi bħala għan ta' politika l-appoġġ għall-mobilità fl-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw drittijiethom kullimkien fl-Unjoni, jista' jintrabat mal-għan stabbilit mit-TFUE tal-iffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja.

3.2.3.2

Għandu jiġi enfasizzat li fit-Titolu V ma tiġix proposta biss il-'libertà' bħala għan, iżda jiġu proposti wkoll is-sigurtà u l-ġustizzja, li jistgħu jwasslu għal-limitazzjoni tal-libertà. Minflok appoġġ għall-mobilità, l-għan huwa l-protezzjoni tal-aċċess għal ġustizzja effiċjenti biex iċ-ċittadin ikun jista' jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment ħieles. Inkella nerġgħu nispiċċaw fi spettru ħafna usa' minn sempliċi ġustizzja u taħlita mifruxa ta' diversi oqsma, bħall-eliminazzjoni tal-burokrazija bl-eżerċitar tad-dritt għall-moviment ħieles, ir-regolazzjoni tad-divorzju u s-suċċessjoni għal dawk li jagħmlu użu mill-moviment ħieles, ir-regolamenti dwar it-trasferiment tal-kapital tal-pensjoni għaċ-ċittadini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment ħieles, ir-regolamenti dwar l-ispezzjoni Ewropea tal-vetturi, eċċ.

3.3   Kummenti speċifiċi

3.3.1

Fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni ma jissemmewx xi affarijiet, li madankollu jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

3.3.2

L-ewwel nett jista' jiġi kkunsidrat li fl-Istati Membri jinħatru maġistrati speċjalizzati fil-liġi Ewropea, sabiex ikun hemm iktar ċertezza legali għaċ-ċittadini f'każ ta' tilwim li jikkonċerna l-leġislazzjoni Ewropea.

3.3.3

Il-Kummissjoni tinsisti bir-raġun fuq il-bżonn li l-imħallfin u l-prokuraturi kollha jiġu mħarrġa fil-liġi tal-Unjoni Ewropea. Hija tappella wkoll biex “jittieħed pass 'il quddiem” billi l-professjonijiet kollha tal-ġustizzja jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-programmi ta' taħriġ Ewropew fil-qafas tal-Programm Ġustizzja 2014-2020. Il-KESE jqis li dan il-punt huwa kruċjali. B'konformità mal-għan stabbilit mill-Programm ta' Stokkolma li jissaħħu d-drittijiet tad-difiża, huwa jqis li huwa partikolarment importanti li l-avukati, li huma wkoll l-ewwel punt ta' aċċess tad-dritt, għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mit-tali programmi.

3.3.4

It-tieni nett, jista' jiġi kkunsidrat li jitwaqqaf servizz Ewropew ta' pulizija u spezzjoni, sabiex il-kriminalità u l-frodi b'aspetti transkonfinali jkunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv.

3.3.5

It-tielet nett fil-qasam kriminali għandu jiġi żgurat f'liema każijiet ikun jeħtieġ li jitfasslu regoli minimi relatati mad-definizzjoni tal-ksur penali u s-sanzjonijiet b'rabta ma' tipi ta' kriminalità partikolarment serji b'dimensjoni transkonfinali, bħat-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali, it-traffikar ta' drogi illegali, it-traffikar tal-armi, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, l-iffalsifikar, iċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità organizzata. Fir-rigward tal-approċċi fil-qasam kriminali, fejn hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri u li jistgħu jfixklu d-drittijiet tal-bniedem u ċ-ċertezza legali, għandu jiġi investigat kemm tkun ta' tfixkil l-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali (5).

3.3.6

Ir-raba' nett tista' tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni obbligatorja tal-azzjoni kollettiva (class action) li għandha ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini tal-UE.

3.3.7

Il-ħames nett tkun ħaġa tajba li tinżamm tabella ta' valutazzjoni tar-riżultati tat-twettiq fil-qasam tal-ġustizzja u b'mod partikolari l-implimentazzjoni tal-pjani ta' politika.

3.3.8

Is-sitt nett jeħtieġ li fil-Kummissjoni l-ġdida jinħatar Kummissarju inkarigat mid-drittijiet tal-bniedem.

Brussell, 10 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2014) 144 final.

(2)  COM(2014) 144 final, punt 1 'Introduzzjoni'.

(3)  Artikolu 67 tat-TFUE

(4)  Artikoli 81 u 82 tat-TFUE

(5)  Ara CESE 1302/2012 – Il-politika Ewropea dwar id-drogi.


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/109


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali”

COM(2014) 167 final – 2014/0091 (COD)

(2014/C 451/18)

Relatur:

IS-SUR PATER

Korelatur:

IS-SUR DANDEA

Nhar l-14 ta' April 2014 u t-12 ta' Ġunju 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (riformulazzjoni)

COM(2014) 167 final – 2014/0091 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni unanimament.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Billi hemm bżonn li l-pensjonijiet okkupazzjonali jiġu żviluppati iktar u b'ritmu iktar mgħaġġel fil-qafas tas-sistemi tal-pensjonijiet tal-Istati Membri tal-UE, il-Kumitat jappoġġja ħafna mill-proposti li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fil-Proposta għal Direttiva IORP II.

1.2

Il-Kumitat bi pjaċir jinnota l-fatt li ħafna mill-proposti li għamel il-KESE fl-Opinjoni dwar il-White Paper dwar Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli (1), ġew riflessi fil-konklużjonijiet tal-Kummissjoni (2).

1.3

Peress li jqis li hemm bżonn ta' tipi oħra ta' tfaddil għal finijiet tal-pensjonijiet – b'mod partikolari fid-dawl tal-previżjonijiet ta' pensjonijiet iktar baxxi mill-Istat, il-KESE jenfasizza li l-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali, li nħolqu b'riżultat tad-deċiżjonijiet tal-imsieħba soċjali, jistgħu jaqdu rwol ferm importanti biex jiżguraw li l-impjegati jkollhom pensjoni addizzjonali.

1.4

Madankollu, il-Kumitat jesprimi t-tħassib dwar ċerti dispożizzjonijiet fil-Proposta għal Direttiva.

1.4.1

Il-Kumitat ma jaqbilx mal-approċċ lejn l-IORP bħala istituzzjonijiet purament tas-swieq finanzjarji, ħaġa li ma tirrikonoxxix u ma tirrispettax iċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom. L-IORP huma istituzzjonijiet li jwettqu funzjoni soċjali importanti. Huma jġorru biċċa kbira mir-responsabbiltà tal-provvista ta' rtirar okkupazzjonali u saru addizzjoni indispensabbli għas-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi. Il-proposta għal Direttiva għandha tqis ir-rwol ewlieni tal-imsieħba soċjali fit-twaqqif u l-ġestjoni tal-programmi u l-fatt li l-prinċipji bażiċi tal-operazzjonijiet tagħhom iridu jqisu l-liġi tas-sigurtà soċjali u l-liġi tax-xogħol nazzjonali.

1.4.2

Peress li hemm differenzi fundamentali bejn is-sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri individwali u fl-iskemi tal-pensjonijiet tal-ħaddiema individwali, biex jitwettaq dan il-pjan, l-għanijiet tal-Kummissjoni m'għandhomx ikunu ta' approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd (one size fits all). Dan għandu impatt sinifikanti fuq l-istatus, id-drittijiet u l-aspettattivi differenti ta' dawk li jieħdu sehem u jibbenefikaw minn tali skemi. Pereżempju, il-KESE jikkritika l-proposta għall-introduzzjoni ta' mudell uniformi għall-informazzjoni li tintbagħat lill-membri kollha tal-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali fl-Unjoni Ewropea kollha. Fid-dawl tad-diversità li hemm, il-Kumitat jemmen li mhuwiex possibbli li tinħoloq formola unika li tipprovdi kull wieħed minn dawn il-membri u benefiċjarji bl-informazzjoni li hija l-iktar essenzjali u adatta għalihom.

1.4.2.1

Il-Kumitat jenfasizza li armonizzazzjoni estensiva tal-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali tista' tiswa l-flus u fl-aħħar mill-aħħar ma twassalx biex jiġu żviluppati iktar (ħaġa li qed jistenna l-KESE), iżda biex jisparixxu gradwalment.

1.4.3

Il-Kumitat jenfasizza li l-għan aħħari ta' sistemi ta' pensjonijiet li jaħdmu tajjeb hu li jiġi żgurat livell adegwat u stabbli ta' benefiċċji għall-persuni li jibbenefikaw minn dawn is-sistemi. Il-funzjoni ta' appoġġ tas-swieq kapitali, inklużi l-investimenti fit-tul, jistgħu jitqiesu biss bħala għan sekondarju, mingħajr ħsara għall-interessi tal-utenti u tal-benefiċjarji tal-iskemi. Filwaqt li jappoġġja l-possibbiltà li l-IORP jaqdu rwol ta' investiment ikbar fi “strumenti li għandhom profil ekonomiku fit-tul”, fl-istess ħin il-KESE huwa totalment oppost għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li “l-Istati Membri m’għandhomx jipprevjenu istituzzjonijiet milli [...]jinvestu fi strumenti li [...]mhumiex innegozjati fi swieq regolati, f'faċilitajiet multilaterali tan-negozjar jew f'faċilitajiet organizzati tan-negozjar”. L-aċċess għal valutazzjoni oġġettiva ta' assi ta' skema kif ukoll għal informazzjoni affidabbli u aġġornata dwar il-qagħda finanzjarja ta' emittent tat-titoli li fihom ikunu investiti l-assi ta' skema tal-pensjonijiet huwa prerekwiżit fundamentali għas-sigurtà finanzjarja tal-membri u l-benefiċjarji tal-iskema. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu liberi biex jiddeċiedu jimponux restrizzjonijiet f'dan ir-rigward wara li jikkonsultaw mal-imsieħba soċjali.

1.4.4

Iktar 'l isfel f'din l-Opinjoni hemm diskussjoni dettaljata dwar dawn l-oġġezzjonijiet u kummenti oħra tal-KESE.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-Proposta tal-Kummissjoni hija verżjoni riveduta tad-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORP) (3), li ilha fis-seħħ mill-2005. Hija simultanjament tikkodifika d-dispożizzjonijiet mhux mibdula tad-Direttiva u temendahom.

2.2

Kif issemmi l-Kummissjoni, l-għan ewlieni tal-proposta hu li t-tfaddil tal-pensjonijiet isir iktar faċli fil-forma ta' pensjoni okkupazzjonali. Il-Kummissjoni tiddefinixxi wkoll erba' objettivi speċifiċi:

li jitneħħew l-ostakli prudenzjali li fadal għall-IORP transkonfinali;

li jiġu żgurati governanza u mmaniġġjar tar-riskji tajbin;

li tingħata informazzjoni ċara u rilevanti lill-membri u lill-benefiċjarji;

li jiġi żgurat li s-superviżuri jkollhom l-għodod meħtieġa biex iwettqu superviżjoni tal-IORPs b'mod effikaċi.

2.3

Il-Proposta tal-Kummissjoni ġiet ippubblikata fis-27 ta' Marzu 2014, bħala parti minn pakkett ta' miżuri intiż biex jiżgura l-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea. Il-memorandum spjegattiv fil-Proposta jenfasizza kemm-il darba l-bżonn li tissaħħaħ il-kapaċità tal-IORP biex tinvesti fi profil ekonomiku attiv fit-tul.

2.4

Bħala ġustifikazzjoni tal-proposta tagħha l-Kummissjoni tenfasizza, fost oħrajn, li jekk l-Unjoni Ewropea ma taġġornax il-qafas regolatorju, hemm ir-riskju li l-implimentazzjoni tal-liġi fl-Istati Membri individwali ser issir iktar u iktar diverġenti, u ser jinħolqu ostakli fl-attivitajiet transkonfinali tal-IORP, filwaqt li ma jiġix żgurat livell ogħla ta' protezzjoni pan-Ewropea tal-konsumatur u ma jinkisibx l-iffrankar assoċjat mal-ekonomiji ta' iskala. Il-Kumitat jinnota wkoll li qafas legali sod għall-IORP jista' jsaħħaħ l-iżvilupp tagħhom f'dawk il-pajjiżi fejn bilkemm jeżistu.

2.5

Il-Kummissjoni tikkalkula li l-implimentazzjoni tad-Direttiva ser teħtieġ spejjeż ta' madwar EUR 22 għal kull parteċipant fl-iskema u spejjeż annwali ta' EUR 0,27- 0,80 għal kull membru.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

3.1

Livelli mnaqqsa ta' kopertura taħt skemi pubbliċi f'ħafna Stati Membri jfissru li soluzzjonijiet addizzjonali ser ikollhom jaqdu rwol dejjem iktar importanti biex jiġu żgurati pensjonijiet deċenti, liema soluzzjonijiet ħafna drabi jkunu appoġġjati mill-Istati Membri permezz ta' ħelsien mit-taxxa. L-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali għandhom rilevanza partikolari għax għandhom karatteristiċi li ma jeżistux fit-tfaddil individwali tal-pensjonijiet. Dawn l-iskemi huma finanzjati kompletament jew fil-biċċa l-kbira mill-impjegatur, filwaqt li huma faċilment disponibbli għall-impjegati, inkluż dawk fuq salarji iktar baxxi u li għandhom spejjeż tal-unità iktar baxxi minħabba l-ekonomiji ta' skala. Minħabba r-regoli interni tal-iskemi adottati mill-imsieħba soċjali, kultant pensjoni addizzjonali tiġi provduta anke għal perjodi li fihom l-impjegat ma kienx jista' jaħdem (pereżempju, mard, liv tal-maternità). Huma u jfasslu politika dwar l-investiment, l-imsieħba soċjali, f'ċerti skemi, ma jintroduċux biss kriterji ekonomiċi iżda anke pereżempju kriterji ta' natura etika, u b'hekk jippromovu fost in-negozji l-valuri li jqisu importanti. Peress li l-pensjonijiet okkupazzjonali jipprovdu pensjoni addizzjonali biss għal proporzjon żgħira ta' ċittadini tal-UE (bħalissa jaqdu rwol sinifikanti fi ftit Stati Membri biss, filwaqt li f'ħafna oħra mhumiex magħrufa), il-Kumitat jappoġġja l-inizjattivi biex jiġu żviluppati IORP.

3.2

L-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali huma ta' benefiċċju kemm għall-impjegati kif ukoll għall-isponsors tal-iskemi, jiġifieri l-impjegaturi. Id-drittijiet akkwistati għall-pensjonijiet mill-impjegati huma effettivament kumpens addizzjonali għax-xogħol. Għall-impjegaturi l-iskemi tal-pensjonijiet huma mod kif jibnu relazzjoni fit-tul mal-persunal tagħhom. Għall-ħaddiema dawn l-iskemi ġeneralment jispiraw impenn ikbar u jnaqqsu r-rata ta' bidla tal-persunal. Għalhekk il-Kumitat jenfasizza li hemm bżonn kawtela kbira fl-adozzjoni ta' leġislazzjoni f'dan il-qasam, sabiex l-IORP ma jsirux inqas attraenti b'riżultat ta' piż finanzjarju addizzjonali jew burokrazija.

3.3

Il-KESE huwa konxju li l-Kummissjoni Ewropea bħalissa m'għandhiex l-għodod biex tikseb informazzjoni komprensiva u oġġettiva dwar l-ispejjeż tas-soluzzjonijiet ippjanati u trid topera abbażi ta' informazzjoni provduta mill-IORP rilevanti. Barra minn hekk, il-KESE jiddispjaċih li l-ispejjeż tar-regolamenti proposti tnaqqsu għall-medja, u barra minn hekk, hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar l-elementi individwali ta' dawn l-ispejjeż globali. B'hekk mhux possibbli li jiġi determinat liema spejjeż jistgħu jinħolqu minn kull proposta u liema differenzi jistgħu joħorġu bejn il-pajjiżi individwali.

3.4

Peress li d-Direttiva proposta tintroduċi rekwiżiti ġodda għall-IORP bi spejjeż addizzjonali, il-Kumitat jixtieq jara l-introduzzjoni ta' eżenzjonijiet potenzjali mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva fil-fażi inizjali ta' IORP (sa 12-il xahar). B'hekk l-isponsor ikun jista' jwaqqaf IORP mingħajr spejjeż amministrattivi relattivament għoljin mill-ewwel ġurnata tal-operazzjonijiet tal-IORP, u jiddeċiedi wara jekk jixtieqx ikompli l-attivitajiet billi jiffinanzja IORP “proprju” jew jekk jippreferix jidħol ma' IORP eżistenti. Il-KESE jqis li dan ikun fattur f'deċiżjoni ta' impjegatur biex iwaqqaf IORP.

3.5

Il-Kumitat jixtieq jenfasizza r-rwol kruċjali tal-imsieħba soċjali fil-proċess tal-ħolqien u l-ġestjoni ta' IORP. Fil-fehma tal-Kumitat l-awtonomija tal-imsieħba soċjali biex jiġu determinati soluzzjonijiet għall-iskemi tal-pensjonijiet għandha tinżamm. Il-qafas leġislattiv għandu jiddetermina biss l-istandards minimi li għandhom jikkonformaw magħhom l-imsieħba responsabbli għall-iskemi. Il-KESE jenfasizza wkoll li f'ħafna Stati Membri hemm rabtiet mill-qrib ħafna bejn l-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali u l-liġi tax-xogħol, il-liġi tas-sigurtà soċjali u r-regoli dwar ir-rwol tal-imsieħba soċjali. F'din il-proposta li qed tiġi analizzata l-KESE jħoss li r-rwol tal-imsieħba soċjali qed jiġi marġinalizzat meta dawn l-imsieħba ħafna drabi jkollhom ħafna snin ta' esperjenza fl-iżvilupp ta' skemi ta' pensjonijiet okkupazzjonali, minkejja d-dikjarazzjoni tal-Artikolu 21(2) li “din id-Direttiva hija bla ħsara għar-rwol tas-sħab soċjali fl-immaniġġjar tal-istituzzjonijiet”. L-IORP m'għandhomx jiġu ttrattati bħalma huma fil-proposta, sempliċiment bħala istituzzjoni finanzjarja iżda bħala istituzzjoni fi ħdan sistema tas-sigurtà soċjali, bi żvilupp u ġestjoni attivi mill-imsieħba soċjali. Il-Kumitat għalhekk itenni l-pożizzjoni tiegħu fl-Opinjoni tiegħu dwar il-White Paper (4).

3.6

Il-KESE jenfasizza li r-relazzjonijiet bejn l-IORP u l-membri u l-benefiċjarji tal-iskema ma jistgħux jiġu trattati bl-istess mod bħar-relazzjonijiet bejn istituzzjonijiet finanzjarji u l-klijenti (konsumaturi) tagħhom.

3.7

Il-Kumitat bi pjaċir jinnota d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex ma tintroduċix soluzzjonijiet għal skemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali bil-għan li żżomm “sitwazzjoni b'kundizzjonijiet indaqs ma' Solvibbiltà II” (5). Il-KESE kien irrakkomanda dan fl-Opinjoni tiegħu dwar il-White Paper (6). Il-KESE jenfasizza li l-alinjament tar-rekwiżiti kwantitattivi u regolatorji fl-abbozz ta' Direttiva mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Solvenza II (metodi ta' valutazzjoni tal-assi, u r-rekwiżit għal korelazzjoni iktar mill-qrib bejn l-ammont ta' kapital u l-livell ta' riskju) ikollu impatt detrimentali fuq l-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali minħabba ż-żieda fir-rekwiżiti tal-kapital u tal-ispejjeż operattivi, kif ukoll interruzzjoni potenzjali għall-allokazzjoni tal-kapital.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi

4.1   Attivitajiet transkonfinali

4.1.1

Il-KESE jenfasizza li l-aspetti kollha tal-attivitajiet transkonfinali tal-IORP speċifikati fl-Artikoli 12 u 13 tal-proposta għal Direttiva jridu jkunu bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-impjegaturi li jwaqqfu l-iskema u l-impjegati tagħhom, u jridu jservu l-interessi tagħhom. Għalhekk, id-deċiżjonijiet dwar jekk dawn l-attivitajiet għandhomx jitwettqu għandhom jittieħdu mill-imsieħba soċjali li jwaqqfu l-iskema.

4.1.2

Il-Kumitat jilqa' l-introduzzjoni tal-possibbiltà li l-iskemi tal-pensjonijiet jiġu trasferiti għal istituzzjonijiet fi Stati Membri oħra, sakemm dan ikun awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni riċevitur u mill-membri u l-benefiċjarji konċernati.

4.1.3

Il-Kumitat huwa favur miżuri għall-appoġġ ta' aspetti transkonfinali tal-attività tal-IORP, u jenfasizza li huwa importanti ħafna li l-IORP jiġu promossi u propogati fl-Istati Membri fejn din ix-xorta ta' skema ma teżistix jew bdiet dieħla biex is-settur ikun jista' jagħmel progress sinifikanti.

4.1.4

Fil-fehma tal-KESE l-awtorizzazzjoni li l-IORP jinvestu fi Stati Membri oħra tal-UE, b'konformità mar-regoli tal-pajjiż tal-oriġini, hija pass pożittiv li jiffaċilita l-attività tal-IORP f'suq komuni Ewropew.

4.2   Il-ġestjoni u l-ġestjoni tar-riskju

4.2.1

Il-KESE japprova l-proposta għal trasparenza ikbar f'termini tar-remunerazzjoni ta' persuni b'pożizzjonijiet kruċjali fl-IORP sakemm jitqiesu t-tipi differenti ta' governanza tal-provvista ta' rtirar okkupazzjonali.

4.2.2

Il-Kumitat iqis li f'każ li l-ġestjoni tal-assi ssir abbażi tal-esternalizzazzjoni, ir-regoli dwar ir-remunerazzjoni għandhom jiġu żvelati, kif għandu jiġi żvelat ukoll l-ammont riċevut mill-kumpanija ta' ġestjoni, iżda mhux ir-remunerazzjoni ta' impjegati seletti fit-tali kumpanija. Il-Kumitat jikkritika l-pjan li l-politiki ta' remunerazzjoni trasparenti jiġu estiżi għal kumpaniji li jiġġestixxu l-iskemi abbażi tal-esternalizzazzjoni. Dan jista' jkun ostaklu serju biex jinstabu kumpaniji li jaqdu dawn il-kompiti, b'mod partikolari għall-ġestjoni ta' skemi ta' pensjonijiet fuq skala żgħira.

4.2.3

Il-Kumitat jilqa' proposti oħra għal regolazzjoni ulterjuri tal-esternalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-iskemi tal-pensjonijiet iżda jirrakkomanda l-kawtela meta jiġu definiti l-obbligi li jridu jiġu sodisfati minn dawn il-kumpaniji ta' ġestjoni.

4.2.4

Fir-rigward tal-proposta li jiġu definiti kriterji għal persuni adatti biex jamministraw l-istituzzjoni u l-persuni biex jaqdu funzjonijiet ewlenin oħrajn, il-KESE jqis li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom iqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-IORP u r-rwol dejjiemi tal-imsieħba soċjali fil-ġestjoni tal-IORP (pereżempju permezz tad-dritt li jaħtru rappreżentanti proprji bħala membri tal-korpi li jamministraw jew jimmonitorjaw l-IORP). Wara kollox l-IORP mhumiex istituzzjonijiet finanzjarji tipiċi bi skop ta' qligħ, iżda huma organizzazzjonijiet monitorjati mill-impjegaturi u l-impjegati. Għal raġunijiet evidenti, huma jimmiraw li jżommu l-ispejjeż tal-organizzazzjoni baxxi kemm jista' jkun. Għalhekk, dan għandu jitqies fil-ħiliet rekwiżiti għall-funzjonijiet ta' ġestjoni ta' IORP, peress li d-dispożizzjonijiet ma jistgħux jillimitaw ir-rwol moqdi mill-imsieħba soċjali fil-proċess tal-ġestjoni tal-iskema tal-pensjoni iktar milli hu fis-sistema attwali

4.2.5

Il-Kumitat jipproponi li l-analiżi tal-ħiliet mwettqa għall-maniġers tiġi applikata għall-korp sħiħ ta' ġestjoni jew ta' monitoraġġ u mhux għal persuni individwali. Il-bażi biex titwettaq din il-proposta tista' tkun definizzjoni separata fl-Artikolu 23 dwar ir-rekwiżiti għal persuni li jamministraw istituzzjoni u l-persuni li jaqdu rwoli ewlenin fiha. Tali soluzzjoni tkun tippermetti li l-imsieħba soċjali jkomplu jiġu rappreżentati fil-korpi li jamministraw l-IORP filwaqt li fl-istess ħin jgħollu r-rekwiżiti għall-persuni involuti direttament fl-attivitajiet statutorji tal-IORP.

4.2.6

Il-Kumitat jenfasizza li r-rekwiżiti tal-ġestjoni tal-IORP iridu jqisu l-karatteristiċi strutturali speċifiċi tal-pensjonijiet okkupazzjonali. F'din l-iskema hemm tliet partijiet interkonnessi: impjegatur/sponsor, impjegat/membru fl-iskema kif ukoll l-IORP. Minn naħa dan jiżgura sistema iktar sigura, minħabba s-superviżjoni reċiproka mill-partijiet differenti, filwaqt li min-naħa l-oħra jikkomplika l-affarijiet peress li jfisser li l-leġislazzjoni dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji trid tiġi koordinata mal-liġi tax-xogħol, il-liġi tas-sigurtà soċjali u r-regoli dwar il-kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali u l-Istati Membri individwali.

4.2.7

Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni Ewropea hija konxja tal-problemi potenzjali li jinħolqu jekk ir-rekwiżiti tal-ġestjoni tal-IORP jsiru iktar stretti, u jappoġġja d-dispożizzjonijiet li jeħtieġu li s-sistemi ta' governanza jkunu proporzjonali għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP (Artikoli 22, 24, 25, 26, 29).

4.2.8

Fil-fehma tal-KESE, l-prijorità għall-IORP għandha tkun li tiżgura r-riżorsi finanzjarji akkumulati fl-iskemi tal-pensjonijiet u livell adatt ta' provvista ta' pensjonijiet, fejn politika ta' investiment bilanċjata tkun kontribut. L-appoġġ għal-investimenti fit-tul m'għandux jaħbi l-għan ewlieni tal-IORP, li huwa li jipprovdu lill-membri bi dħul fi xjuħithom. Il-possibbiltà li l-assi tal-iskema tal-pensjoni jiġu valutati b'mod frekwenti u oġġettiv flimkien mal-aċċess għal informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-emittent tat-titoli li tinvesti fihom l-IORP huma prerekwiżit għall-investiment sigur ta' dawn l-assi.

4.2.8.1

Il-KESE jqis b'mod pożittiv il-proposta li l-assi tal-iskema ta' pensjoni okkupazzjonali jistgħu jinvestu mingħajr xkiel min-naħa tal-Istati Membri fi strumenti li għandhom profil ekonomiku fit-tul.

4.2.9

Madankollu, il-Kumitat jopponi l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li “l-Istati Membri m’għandhomx jipprevjenu istituzzjonijiet milli [...]jinvestu fi strumenti li [...]mhumiex innegozjati fi swieq regolati, f'faċilitajiet multilaterali tan-negozjar jew f'faċilitajiet organizzati tan-negozjar”. Il-KESE jinnota li, fil-każ tal-iskemi ta' kontribuzzjonijiet definiti, meta ma tkunx possibbli l-valutazzjoni kontinwa tal-assi tagħhom, tali investimenti jkunu soluzzjoni ferm riskjuża għall-membri tal-iskema. Approċċ ibbażat fuq din ix-xorta ta' politika ta' investiment inaqqas it-trasparenza peress li ma jkunx possibbli li l-membri jingħataw informazzjoni preċiża dwar il-valur tal-fondi akkumulati u l-benefiċċji mistennija meta jilħqu l-età tal-pensjoni. Din hija xi ħaġa partikolarment importanti għall-membri li jġarrbu r-riskju kollu tal-investiment. Madankollu, il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom ikunu liberi biex jiddeċiedu jimponux restrizzjonijiet f'dan ir-rigward wara li jikkonsultaw mal-imsieħba soċjali.

4.2.9.1

Il-KESE jappoġġja l-possibbiltà li IORP tinvesti f'investimenti infrastrutturali fit-tul. Madankollu jħoss li l-investimenti f'tali proġetti mingħajr limitu fuq il-kwantità għandhom ikunu permessi biss jekk jintużaw strumenti finanzjarji elenkati fil-borża (pereżempju ishma, bonds), jew strumenti finanzjarji disponibbli b'mod miftuħ fis-suq finanzjarju (pereżempju diversi tipi ta' fondi ta' investiment, ishma elenkati fil-boroż ta' kumpaniji li jinvestu direttament fi proġetti fit-tul).

4.2.10

Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li temenda l-Artikolu 20(1)(d) tal-proposta għal Direttiva, li tistabbilixxi r-regoli għall-investiment fi strumenti derivattivi. Fil-fehma tal-Kummissjoni l-esperjenza tal-kriżi tiġġustifika l-bżonn għal trażżin maġġuri tar-regola attwali, li hija estensiva ħafna, skont liema regola l-IORP jistgħu jinvestu fi strumenti derivattivi sabiex “jiffaċilita(w) l-immaniġġjar effiċjenti tal-portafoll”.

4.2.11

Il-Kumitat jappoġġja kompletament l-introduzzjoni ta' depożitarji għal skemi fejn il-membri u l-benefiċjarji jġorru r-riskju sħiħ tal-investiment, u jħoss li d-depożitarji huma mezz essenzjali biex jiġu salvagwardjati l-assi tal-istituzzjonijiet ta' investiment kollettiv fid-dinja tal-lum.

4.2.12

Il-KESE japprova r-rekwiżit għal funzjoni aktwarjali effettiva fi skemi fejn il-membri u l-benefiċjarji ma jġorrux it-tipi kollha ta' riskju.

4.3   Informazzjoni għall-membri u l-benefiċjarji

4.3.1

Il-KESE bi pjaċir jilqa' r-rekwiżit li ssir disponibbli firxa usa' ta' informazzjoni, kemm għall-membri kif ukoll għall-benefiċjarji, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu. Jilqa' wkoll l-introduzzjoni ta' rekwiżit li l-IORP jipprovdu informazzjoni importanti tal-inqas darba kull 12-il xahar dwar, pereżempju, il-garanziji tal-iskemi, il-kontribuzzjonijiet globali, l-ispejjeż tas-sħubija fl-iskema, il-profil tal-investiment, il-prestazzjoni fil-passat u l-proġezzjonijiet tal-pensjoni.

4.3.2

Il-Kumitat għandu dubji serji dwar jekk l-idea proposta li jkun hemm stqarrija ta' żewġ paġni ta' informazzjoni standardizzata b'format ċar għar-riċevitur hijiex waħda fattibbli. Diversi skemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali jinvolvu tipi differenti ta' riskju għall-membri tagħhom, li għandhom ukoll stennijiet differenti dwar il-pensjonijiet futuri. Barra minn hekk, ir-regoli dwar il-ħlas tal-fondi akkumulati ta' skemi ta' pensjonijiet okkupazzjonali ħafna drabi jiġu determinati mil-leġislazzjoni tal-Istati Membri individwali. L-informazzjoni li tintbagħat lill-membri jew lill-benefiċjarji dwar dawn l-iskemi għandha tirrifletti dawn il-fatturi. Għalhekk, il-KESE jipproponi li d-dispożizzjonijiet proposti jiġu emendati, sabiex il-proċess tal-istandardizzazzjoni tal-mudell tal-informazzjoni li tintbagħat lill-membri jinfirex fuq bosta stadji, u t-tfassil finali jista' jiġi determinat b'mod flessibbli matul dak il-proċess. Il-ħidma għandha tinbeda fuq l-iżvilupp ta' mudelli li jinkludu diversi tipi ta' informazzjoni (tal-inqas żewġ mudelli, ibbażati fuq il-kunċetti ta' kontribut definit u ta' benefiċċju definit) u li jitniedu fuq bażi ta' proġett pilota f'xi Stati Membri partikolari. Il-ħidma fuq l-att delegat imsemmi fl-Artikolu 54 tinbeda biss ladarba tkun inkisbet l-esperjenza rilevanti.

4.3.3

Il-Kumitat iqis li fl-aħħar mill-aħħar għandu jkun hemm mill-inqas żewġ mudelli ta' informazzjoni – wieħed għas-sistemi bbażati fuq kontributi definiti u wieħed għas-sistemi bbażati fuq benefiċċji definiti. Barra minn hekk, kull Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà li jissupplementa dan il-mudell b'biċċiet ta' informazzjoni kruċjali għall-membri jew il-benefiċjarji tal-iskema, skont in-natura speċifika tar-regoli nazzjonali.

4.3.4

Il-KESE jqis li ħafna mid-dispożizzjonijiet proposti mhumiex preċiżi biżżejjed, bil-potenzjal li jqarrqu lill-membri jew il-benefiċjarji minflok ma jagħtuhom informazzjoni preċiża.

4.3.4.1

It-titlu stess ta' dan id-dokument (stqarrija tal-benefiċċju tal-pensjonijiet) huwa sors ta' konfużjoni – l-iktar l-iktar tkun stqarrija ta' benefiċċji previsti tal-pensjonijiet. Għalhekk dan id-dokument għandu jingħata isem ġdid, pereżempju “Previżjoni attwali tal-pensjonijiet”.

4.3.4.2

L-Artikolu 48(1) jipprevedi l-possibbiltà li l-membri jingħataw informazzjoni b'garanziji sħaħ. Dan huwa terminu żbaljat, li ma jagħti l-ebda idea lil membri potenzjali tal-prospettiva pessimista f'każ li jfalli l-impjegatur/sponsor tal-IORP. Effett wieħed ta' tali falliment jista' jkun li l-membri ma jkunux jistgħu jitħallsu mill-iskema tal-pensjoni. Fl-istess ħin, fl-Artikolu 48(2)(d) il-Kummissjoni tirreferi għall-“mekkaniżmi li jnaqqsu l-benefiċċji” – ħaġa li tixħet id-dubju fuq kemm vera teżisti garanzija sħiħa.

4.3.5

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun kawta b'mod partikolari hija u tfassal l-att delegat imsemmi fl-Artikolu 54, minħabba l-ispejjeż potenzjali ta' tali soluzzjoni. Il-piż tal-ġbir tal-informazzjoni għall-membri tal-iskema jew spejjeż ta' servizzi addizzjonali li jqumu mill-bżonn li jingħataw spjegazzjonijiet addizzjonali jekk mudell uniku Ewropew ma jkunx adatt għaċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' skema partikolari m'għandux jitħalla jgħolli b'mod sinifikanti l-ispejjeż tal-IORP. Għalhekk il-KESE jissuggerixxi li meta jiġu elenkati r-rekwiżiti tal-informazzjoni għall-membri tal-iskema, il-Kummissjoni tqis in-natura tal-iskemi li jappartjenu għaliha.

4.4   Superviżjoni tal-attivitajiet ta' IORP

4.4.1

Fid-dawl tal-problemi fil-passat fl-interpretazzjoni minħabba prattiki superviżorji differenti fl-Istati Membri, il-Kumitat jilqa' l-isforzi biex jiġu definiti b'mod iktar ċar l-oqsma ta' attività finanzjarji soġġetti għas-superviżjoni u li dawn jiġu separati minn oqsma li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tas-sigurtà soċjali u tax-xogħol.

4.4.2

Il-KESE jilqa' wkoll il-pjani biex isiru iktar stretti r-regoli dwar l-iskambju interistituzzjonali tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti li jimmonitorjaw l-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali.

4.4.3

Il-KESE jqis li l-proposta biex jissaħħu s-setgħat superviżorji hija waħda razzjonali; din tista' tinvolvi rekwiżiti għal informazzjoni addizzjonali. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta f'dan il-qasam laħqu livell adegwat ta' flessibbiltà, billi jippermettu li miżuri speċifiċi ta' superviżjoni jiġu aġġustati għal sitwazzjonijiet individwali.

Brussell, 10 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2012) 55 final.

(2)  Ara l-Opinjoni ĠU C 299/21, 04/10/2012, p. 115-122. Fost affarijiet oħra, il-KESE nnota li “għandha tingħata attenzjoni hawnhekk mhux biss lill-aspetti relatati mal-attivitajiet transkonfinali tal-fondi tal-pensjonijiet u l-mobilità tal-ħaddiema, iżda wkoll il-kwistjonijiet ta’ superviżjoni u sorveljanza mill-korp tal-pensjoni, l-ispejjeż amministrattivi u l-informazzjoni lill-konsumatur u l-ħarsien tiegħu”.

(3)  Ġ U L 235, 23.9.2003.

(4)  Fl-Opinjoni dwar il-White Paper il-Kumitat jenfasizza li “huwa favur skemi tal-pensjonijiet professjonali ffinanzjati, stabbiliti u amministrati minn dawk li jħaddmu u mir-rappreżentanti tal-impjegati, u jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ lill-imsieħba soċjali biex isaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom f’dan il-qasam”.

(5)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II),ĠU L 335/1, 17.12.2009).

(6)  Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-White Paper, il-Kumitat jenfasizza li “huwa mħasseb b'mod serju dwar uħud mill-proposti għal pensjonijiet tax-xogħol. Billi l-iskemi tal-pensjonijiet huma differenti ħafna mis-servizzi tal-assigurazzjoni tal-ħajja, il-Kumitat ma jappoġġjax l-għan iddikjarat li tiġi riveduta d-Direttiva IORP, sabiex tinżamm sitwazzjoni ugwali għal dik ta’ Solvency II, iżda jirrakkomanda li jiġu introdotti miżuri mfassla b'mod speċifiku għall-iżgurar tal-assi tal-fondi tal-pensjonijiet wara konsultazzjoni minn qabel tal-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati l-oħra.”


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/116


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Qafas ta' Kwalità tal-UE għall-Antiċipazzjoni tal-Bidla u r-Ristrutturar”

COM(2013) 882 final

(2014/C 451/19)

Relatur:

IS-SUR VAN IERSEL

Korelatur:

IS-SUR STUDENT

Nhar it-2 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Qafas ta' kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar

COM(2013) 882 final.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'77 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Ir-ristrutturar huwa proċess kontinwu li jiddependi fuq firxa wiesgħa ta' fatturi li jaffettwaw lill-kumpaniji kuljum. L-ekonomija globali qed terġa' tgħaddi minn firxa ta' xokkijiet teknoloġiċi profondi u ta' taqlib, li għandhom tendenza li jaċċelleraw.

1.2

Fil-fehma tal-KESE, il-kumpaniji huma fil-qalba tal-proċess ta' ristrutturar, aġġustament jew antiċipazzjoni, li jitlob l-involviment tal-persunal u r-rappreżentanti tagħhom permezz tal-kunsill tax-xogħol u/jew it-trejdjunjins. Dan huwa aspett ta' responsabbiltà soċjali korporattiva, li l-KESE jappoġġja bis-sħiħ. F'ħafna każijiet, u ċertament fi proġetti ta' ristrutturar ikbar, ta' spiss huma involuti firxa usa' ta' partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet edukattivi.

1.3

Il-konsultazzjoni miftiehma tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-livell tal-kumpaniji nazzjonali u Ewropej għandha tiġi rispettata kif imiss u tiffoka fuq il-ksib ta' riżultati tanġibbli f'ċirkostanzi li jinbidlu malajr. Ir-ristrutturar u l-antiċipazzjoni – ġaladarba jiġu trattati fil-qafas tal-kumitati dwar id-djalogu soċjali settorjali – jistgħu jippromovu soluzzjonijiet prammatiċi fuq il-bażi ta' fatti, ċifri u xejriet globali.

1.4

L-impenn fil-livell tal-UE għandu jibda minn fehim tajjeb tal-varjetà kbira ta' ċirkostanzi u approċċi li niltaqgħu magħhom. Ċertament, qafas ta' kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar, kif propost mill-Kummissjoni, jista' jkun utli (1).

1.5

Ir-ristrutturar u l-antiċipazzjoni għandhom bżonn soluzzjonijiet adattati fil-kumpaniji u fir-reġjuni; madankollu, peress li hemm ħafna aspetti trasversali, ikun apprezzat inċentiv tal-UE lejn sħubijiet b'ambitu usa' ma' akkademiċi, istituzzjonijiet ta' riċerka, mal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u ma' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ ibbażati fir-reġjuni. L-istess jgħodd għat-tixrid ta' prattiki tajba. Bl-istess mod, kunsilli settorjali għall-impjiegi u l-ħiliet jistgħu jkunu utli ħafna.

1.6

It-teknoloġija globali u l-ktajjen tal-valur ifissru li l-antiċipazzjoni tal-bidla hija proċess ikkumplikat ħafna. L-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u mfassla apposta attwali għal darb'oħra tenfasizza l-ħtieġa ta' approċċi u soluzzjonijiet adattati skont il-kumpanija.

1.7

F'termini aktar ġenerali, temi u xejriet futuri bħalma huma l-ekoloġizzazzjoni u t-teknoloġiji ewlenin (tal-UE) għandhom ikunu ta' prijorità. Dawn it-temi u x-xejriet għandhom jiġu diskussi wkoll bejn l-imsieħba soċjali u integrati fil-programmi nazzjonali u reġjonali ta' taħrig u fl-iskejjel.

1.8

L-Istat, l-imsieħba soċjali, u l-kumpaniji għandhom jieħdu responsabilità konġunta kondiviża għall-gruppi vulnerabbli, mhux l-inqas għall-anzjani u l-persuni b'livell baxx ta' ħiliet permezz ta' miżuri soċjali li diġà huma fis-seħħ f'għadd ta' Stati Membri.

Analiżijiet komuni u dijanjożijiet konġunti jirriżultaw f'responsabilitajiet speċifiċi għal kull parti interessata. Din diġà hija prattika komuni f'għadd ta' pajjiżi, iżda attwalment mhix żviluppata sew f'ċerti Stati Membri oħra.

1.9

Il-Kummissjoni Ewropea tista' tappoġġja l-iżvilupp ta' spirtu komuni madwar l-Unjoni, billi tiffaċilita sħubijiet bejn id-diversi partijiet interessati. Hija tista' tgħin toħloq il-kundizzjonijiet it-tajba billi tagħmel użu xieraq mill-Fondi Ewropej f'każijiet speċifiċi. Il-Kummissjoni għandha tenfasizza arranġamenti dwar id-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali u settorjali bħala parti mill-Aġenda tal-UE għar-ristrutturar u l-antiċipazzjoni.

1.10

Il-KESE jaqbel mal-introduzzjoni ta' Qafas ta' Kwalità tal-UE kif propost mill-Kummissjoni fuq bażi volontarja. Madanakollu, huwa jinnota li fil-ġejjieni tkun mixtieqa bażi legali għal kundizzjonijiet ta' qafas speċifiċi dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, mingħajr ma jinterferixxi mal-kompetenzi nazzjonali.

1.11

Il-partijiet interessati u l-Kummissjoni għandhom ikomplu jieħdu l-benefiċċji kollha mill-aġenziji tal-UE bħall-Eurofound u s-CEDEFOP b'użu ta' analiżijiet u data aġġornati u affidabbli.

2.   Ir-ristrutturar u l-antiċipazzjoni: kuntest u azzjonijiet

2.1

F'Lulju 2012, il-KESE adotta Opinjoni li tikkontribwixxi għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar ir-ristrutturar u l-antiċipazzjoni tal-bidla tal-kumpaniji (2). Ħafna osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet f'din l-Opinjoni huma rilevanti wkoll għall-Komunikazzjoni reċenti dwar Qafas ta' Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (3).

2.2

Ir-ristrutturar huwa proċess kontinwu li jiddependi fuq firxa wiesgħa ta' fatturi li jaffettwaw lill-kumpaniji kuljum. Id-dinamika tal-“kreattività distruttiva” tiġġenera opportunitajiet mhux mistennija, iżda huwa wkoll ċar li l-kriżi u r-rati baxxi ta' tkabbir, id-dipendenza dejjem ikbar tal-prestazzjoni ekonomika nazzjonali fuq is-swieq globali, u r-relazzjonijiet dejjem iktar kumplessi bejn il-kumpaniji u l-klijenti u l-fornituri tagħhom, qed ipoġġu ħafna negozji – u l-persunal tagħhom – taħt pressjoni kbira. Huwa kruċjali li tinżamm massa kritika tal-industrija.

2.3

L-ekonomija Ewropea, f'konformità mal-iżviluppi globali, qed tlaħħaq ma' mewġiet ġodda ta' teknoloġija u innovazzjoni. Dawn se jaffettwaw ħafna il-mod kif l-atturi ekonomiċi u soċjali se jorganizzaw lilhom infushom biex jiġġeneraw r-reżiljenza u jiżguraw il-kontinwità.

2.4

L-internazzjonalizzazzjoni, il-frammentazzjoni tal-katina tal-produzzjoni, in-nuqqas ta' distinzjoni bejn is-setturi, l-importanza dejjem tiżdied tat-teknoloġiji (trasversali), l-awtomazzjoni u r-robotizzazzjoni u issa d-diġitizzazzjoni, il-ġenerazzjoni ta' approċċi u soluzzjonijiet mfassla apposta u, fuq kollox, il-fehma ġeneralment aċċettata li persentaġġ għoli tal-prodotti u s-servizzi disponibbli llum se jkunu sostitwiti minn firxiet ta' prodotti u servizzi ġodda fil-futur qarib, huma kollha eżempji tajba tas-sitwazzjoni attwali ta' bidla industrijali kontinwa (4).

2.5

It-tiġdid u l-aġġustament jittestjaw il-fehmiet u l-prattiki eżistenti minn jum għal ieħor. Mhux biss it-teknoloġija, iżda l-ewwel u qabel kollox il-kreattività tal-bniedem, huma kontinwament mitluba minn ħafna nies, jekk mhux minn kulħadd, tkun xi tkun il-pożizzjoni tagħhom.

2.6

Il-KESE analizza x-xejriet attwali f'għadd ta' Opinjonijiet dwar setturi u proċessi speċifiċi. Is-sena li għaddiet, il-Kumitat adotta fehma ġenerali dwar politiki u punti ta' attenzjoni mixtieqa bi tweġiba għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika industrijali (5). F'din il-fehma kumplessiva, għadd ta' oqsma li huma marbuta mill-qrib – u ċertament l-għan li l-industrija terġa' tieħu l-ħajja – jinvolvu l-promozzjoni tat-teknoloġija u l-innovazzjoni, it-titjib tal-ħiliet fl-oqsma kollha, kif ukoll is-senisbilizzazzjoni fi ħdan l-industrija dwar il-potenzjal offrut minn servizzi ġodda.

2.7

Fl-Opinjoni tiegħu tal-2012, il-Kumitat jargumenta wkoll li settur tan-negozji reżiljenti jeħtieġ kemm tmexxija kif ukoll appoġġ wiesa' mill-persunal fil-livelli kollha tal-kumpanija kif ukoll mis-soċjetà inġenerali. F'ħafna kumpaniji l-impjegati qed jipparteċipaw b'suċċess fil-proċessi tal-bidla. Kuntesti konsenswali normalment iwasslu għal riżultati tajba.

2.8

Il-proċessi ta' ristrutturar huma varjati u kkumplikati. Kif targumenta l-Opinjoni, minbarra d-distinzjoni bejn ir-ristrutturar u l-antiċipazzjoni, jistgħu jiġu identifikati differenzi sostanzjali bejn kumpaniji żgħar, ta' daqs medju u kbar, bejn is-setturi (li huma affettwati b'modi differenti minn mewġiet ġodda ta' bidliet u teknoloġija), bejn ir-reġjuni (b'densità għolja ta' popolazzjoni u oħrajn), bejn il-livell ta' maturità tal-kuntest ekonomiku nazzjonali fil-pajjiż, u bejn il-kulturi.

2.9

Aktar kumplessità tiġi minn bidliet kbar fis-swieq tax-xogħol li huma konsegwenza kemm tal-kriżi finanzjarja u ekonomika kif ukoll taċ-ċiklu industrijali l-ġdid. Is-sistemi attwali ta' sħubija soċjali u kollettiva għandhom jinżammu u jissaħħu fejn xieraq.

2.10

F'din it-turbulenza u l-firxa diversifikata wiesa' fl-Ewropa, il-KESE “jixtieq jinnota li l-kumpaniji jikkostitwixxu, min-natura tagħhom, l-atturi ewlenin fi strateġiji għall-adattament tal-unitajiet li joperaw fis-swieq, u għaldaqstant huma fil-qalba ta' kull proċess ta' ristrutturazzjoni” (6).

2.11

Ovvjament, il-kumpaniji jkollhom jirristrutturaw, jaġġustaw jew jantiċipaw għall-futur f'ċertu ambjent. Dan ifisser li, minbarra l-proċeduri u l-prattiki interni tagħhom, għadd ta' partijiet interessati oħra għandhom rwol x'jaqdu. Kif isir dan eżattament jiddependi mit-tip ta' bidla li l-kumpaniji qed jiffaċċjaw, li tista' tkun aġġustament tal-organizzazzjoni interna, jew tweġiba għaċ-ċirkustanzi li jkunu qed jinbidlu fis-suq, jew it-tnejn.

2.12

Il-grupp primarju ta' persuni interessati huma l-impjegati tal-kumpanija stess. Proċessi organizzati tajjeb jiżguraw l-involviment tal-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom permezz tal-kunsill tax-xogħol u/jew it-trejdjunjins. Huwa promettenti ħafna li, skont it-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni (7), dawk li wieġbu kellhom prinċipalment l-istess tip ta' reazzjoni. Il-KESE huwa favur djalogi ta' fiduċja – li f'għadd ta' pajjiżi huma stabbiliti legalment – bejn il-maniġment u r-rappreżentanti tal-ħaddiema, biex jakkumpanjaw il-ġestjoni tal-bidla u l-antiċipazzjoni b'suċċess (8).

2.13

Minħabba li l-kumpaniji jiddependu fuq varjetà ta' kwalifiki fost il-persunal tagħhom, il-kwalifiki speċifiċi meħtieġa f'katini ta' valur dejjem iktar irfinati għandhom ikunu garantiti permezz ta' programmi ta' tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd. Dan huwa fl-interess kemm tal-kumpaniji kif ukoll tal-impjegati tagħhom.

2.14

Il-KESE jinnota li hemm qbil ġenerali mal-pożizzjoni tiegħu li l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu parti mill-ħajja ta' kuljum fil-kumpaniji, għalkemm hemm approċċi differenti bejn kumpaniji żgħar (ħafna) mhux speċjalizzati u kumpaniji akbar.

2.15

B'mod parallel, għandu jkun ikkunsidrat ukoll li s-swieq tax-xogħol qed jinbidlu radikalment. Perċentwal dejjem jikber ta' żgħażagħ qed iħejju għal karrieri wiesgħa tekniċi jew professjonijiet oħra, bil-għan li jkunu flessibbli biżżejjed biex jibdlu l-impjieg waħedhom, kemm fi ħdan l-istess kumpanija (kbira) jew f'diversi kumpaniji u setturi. Dan jiddependi fuq żewġ fatturi: id-domanda u l-provvista fis-suq tax-xogħol, u l-ħiliet tal-individwu stess. Filwaqt li impjegati bi kwalifiki u edukazzjoni għolja jistgħu jużaw ir-ristrutturar bħala opportunità, dawk inqas kwalifikati u impjegati ikbar fl-età għandhom bżonn ta' appoġġ speċifiku mill-Istat u mill-kumpaniji.

2.16

Matul il-kriżi u fil-każ ta' proġetti kbar ta' ristrutturar, pereżempju dawk li jikkonċernaw kapaċitajiet ta' produzzjoni skaduti bbażati reġjonalment, il-partijiet interessati kollha huma marbuta li jassumu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, l-ewwel billi jiffokaw fuq ippjanar ekonomiku vijabbli għall-ġejjieni u, fl-istess ħin, biex itejbu, kemm jista' jkun, il-kundizzjonijiet għall-ħaddiema f'ambjent ġdid.

2.17

Minbarra l-kumpaniji u t-trejdjunjins, il-partijiet interessati l-aktar importanti biex ilaħħqu mal-konsegwenzi soċjali huma l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Fi proċessi ta' ristrutturar kbar, il-gvern nazzjonali għandu jkun impenjat ukoll. Madankollu, l-esperjenza prattika turi li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-kuntest reġjonali u l-komunità huma ta' importanza kbira, kif il-KESE sostna wkoll fit-tweġiba tiegħu għall-Green Paper. Hemm għadd ta' reġjuni li kellhom trasformazzjoni profonda b'suċċess. Ir-reġjuni li jipposponu ristrutturar inevitabbli, ġeneralment ibatu minn problemi serji bħalma jbatu l-kumpaniji. Eżempji nazzjonali u Ewropej ta' suċċess għandhom ikunu enfasizzati.

2.18

Fl-Opinjoni tiegħu tal-2012, il-KESE identifika diversi modi u mezzi għat-tħejjija għall-antiċipazzjoni, u rrikonoxxa li l-iżviluppi futuri huma diffiċli li jiġu previsti bħalissa. Ġeneralment, il-previżjonijiet esponenzjali ntwera li kienu ħżiena. Madankollu, sforzi konġunti minn akkademiċi u minn organizzazzjonijiet settorjali jistgħu jkunu ta' għajnuna deċiżiva. Din hija prattika dejjem iżjed komuni fl-industrija tal-manifattura. Fis-settur tas-servizzi dan l-approċċ għadu aktar diffiċli u (għadu) mhux matur. Hemm bżonn attitudni proattiva tal-assoċjazzjonijiet tan-negozji kif ukoll partijiet oħra interessati pubbliċi u privati biex jinformaw lill-SMEs dwar l-iżviluppi probabbli.

2.19

Il-paradoss hu li d-dinamika tas-suq titlob l-antiċipazzjoni, iżda din hija mfixkla minn futur ġeneralment imprevedibbli. Fil-fehma tal-KESE dan il-paradoss jeħtieġ l-aħjar kundizzjonijiet biex jagħmlu l-aġġustamenti għall-bidliet possibbli soċjalment aċċettabbli. Ir-responsabbiltà ewlenija għat-tfassil tal-futur taqa' fuq il-partijiet l-aktar ikkonċernati direttament, li huma l-maniġment u l-persunal, irrappreżentat mill-kunsilli tax-xogħlijiet/trejdjunjins. F'kuntest usa' huwa f'idejn l-imsieħba soċjali fil-livelli varji, il-gvernijiet, is-servizzi ta' appoġġ bħal akkademiċi, konsulenzi, aġenziji governattivi u tal-UE, NGOs, kif ukoll il-KESE, permezz tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, fost affarijiet oħra.

2.20

Fir-rigward tad-dħul u d-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol hemm żewġ gruppi partikolari li jeħtieġu attenzjoni speċjali: iż-żgħażagħ, u l-ġenerazzjoni ikbar fl-età li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet konsiderevoli biex jadattaw. M'hemm ebda soluzzjoni ta' malajr biex jissolvew il-problemi profondi fit-tqabbil tal-provvista mad-domanda. L-adattabbiltà tal-ekonomiji hija relatata mill-qrib max-xejriet attwali u mal-produzzjoni tagħhom, mal-varjetà tal-istrutturi ekonomiċi, u mal-kulturi differenti tal-pajjiżi u r-reġjuni. Huwa ġeneralment aċċettat, kif il-KESE enfasizza diversi drabi, li edukazzjoni aġġornata hija l-bażi ta' kwalunkwe soluzzjoni għall-futur. Għandha tkun il-bażi għal ħiliet flessibbli biżżejjed biex tippermetti liż-żgħażagħ jippreparaw għal aktar minn professjoni waħda. Matul l-aħħar ftit snin, l-iżvilupp ta' spirtu intraprenditorjali sar prijorità fil-kurrikuli edukattivi. In-negozji għandu jkollhom ukoll rwol fl-aġġustament tal-edukazzjoni, u għandhom jinvestu fit-tagħlim tul il-ħajja. F'għadd ta' pajjiżi n-negozjanti jieħdu sehem attiv fil-programmi edukattivi.

2.21

Kif il-KESE diġà enfasizza, l-UE, inkluż il-KESE, żgur li tista' tkun ta' għajnuna f'dawn il-proċessi. Huwa jsemmi:

l-appoġġ tal-aġenziji Ewropej bħalma huma is-CEDEFOP, l-Eurofound u oħrajn fit-tixrid ta' data u fl-analiżijiet;

l-appoġġ tal-Kummissjoni, b'mod partikolari id-DĠ Impjieg, fid-diskussjoni tal-prattiki tajbin madwar l-Ewropa f'pubblikazzjonijiet kif ukoll f'konferenzi mmirati, notevolment fil-qafas ta' djalogi soċjali, u fit-tixrid tal-analiżijiet u l-proposti tagħha stess għall-prattiki, imħejjija minn akkademiċi u esperti Ewropej;

proġetti ffokati tal-fondi Ewropej: il-Fond Reġjonali u ta' Koeżjoni u l-FSE.

2.22

Fir-ristrutturar u l-antiċipazzjoni l-kuntest Ewropew huwa mixtieq ħafna wkoll bħala bażi għall-iżvilupp ta' spirtu komuni u responsabilità kondiviża madwar l-Ewropa, biex jippromovi l-konverġenza mal-livelli ta' suċċess tal-approċċi li bħalissa jvarjaw ħafna minn pajjiż għal ieħor, kif ivarjaw ukoll ir-riżultati. Esperjenzi komuni u kondiviżi jistgħu jrawmu riżultati aħjar għall-kumpaniji, għall-impjegati u għar-reġjuni.

2.23

Każ speċjali f'dan ir-rigward jista' jkun ukoll il-mobilità tal-forza tax-xogħol fl-Ewropa, li tqajjem tħassib, iżda tista' wkoll tikkontribwixxi b'mod pożittiv biex timla l-postijiet vakanti eżistenti fl-industrija u biex tikkumpensa għan-nuqqas ta' ħaddiema bla kwalifiki u ħaddiema tas-sengħa (9). Effetti negattivi fit-tul tal-migrazzjoni, għall-istati, ir-reġjuni, u l-ħaddiema għandhom jiġu kkunsidrati. L-eżodu ta' mħuħ jew il-migrazzjoni ta' persuni kkwalifikati ħafna tista' tkun ta' ħsara għall-iżvilupp futur. Il-mobilità tax-xogħol progressiva titlob konsistenza tal-politika soċjali u reġjonali Ewropea biex tnaqqas ir-riskji mhux mixtieqa.

2.24

Il-Kunsilli Settorjali dwar l-Impjieg u l-Ħiliet tal-UE, il-Forum u l-osservatorji Ewropew tar-Ristrutturar kif ukoll il-Eurofound jistgħu jkunu utli ħafna biex jiffaċilitaw il-qsim tal-prattiki tajba madwar l-Ewropa.

3.   Proposta għal qafas ta' kwalità tal-UE

3.1

Fil-fehma tal-KESE, il-proposti fil-Komunikazzjoni tal-KE (10) għandhom jibdew mill-fehim tal-varjetà kbira ta' ċirkostanzi u approċċi li niltaqgħu magħhom, kif ukoll mill-premessi stabbiliti hawn fuq. Din hija gwida utli għall-partijiet interessati kollha fil-livell ta' responsabbiltà ta' kull wieħed, u għandha tintuża skont il-każ. Huwa utli ħafna li dawn id-dijagrammi jiġu diskussi fil-livell tal-UE sabiex niffaċilitaw il-proċess tal-qsim tal-perspettivi madwar l-Unjoni.

3.2

Il-KESE jaqbel mal-proposti li jenfasizzaw l-eżaminazzjoni kontinwa (spiss sottili) tal-bidliet u t-tranżizzjonijiet fid-domanda u l-provvista fis-suq tax-xogħol, u l-kompetenzi mixtieqa. Din diġà hija prattika komuni f'ħafna kumpaniji u punt ta' attenzjoni kontinwu għall-maniġment u l-persunal. Fil-kumpaniji u l-korporazzjonijiet transkonfinali dan għandu jkun diskuss konġuntament bejn il-maniġment u l-kunsilli tax-xogħlijiet Ewropej (11). Madankollu, il-prattika attwali mhijiex sodisfaċenti. Konsultazzjoni f'waqtha mar-rappreżentanti tal-ħaddiema f'ristrutturar transkonfinali għandhom ikunu garantiti. L-informazzjoni ma' u l-konsultazzjoni tal-SMEs għandhom ikunu garantiti.

3.3

Minħabba s-sinfikat strateġiku tad-dinamiki attwali u l-bidliet imminenti pereżempju permezz tar-robotika, id-diġitalizzazzjoni, in-nanoteknoloġija u l-istampar 3D, il-prattiki eżistenti għandhom jiġu irfinati u approfonditi, fl-interess kemm tal-kumpaniji kif ukoll l-impjegati tagħhom. Dan jgħodd ukoll għall-proposti konkreti dwar miżuri li jimmiraw impjegati individwali.

3.4

Ħafna kumpaniji għandhom approċċi mfassla apposta, iżda hemm ħafna aspetti trasversali li huma eżempji tar-rivoluzzjoni industrijali attwali. Għalhekk huma mħeġġa sħubijiet b'ambitu usa', kif diskuss hawn fuq, ma' akkademiċi, istituzzjonijiet ta' riċerka, awtoritajiet politiċi u istituzzjonijiet ta' edukazzjoni u taħriġ ibbażati fir-reġjuni. Minkejja l-prattiki ta' suċċess tal-assoċjazzjonijiet tan-negozji u n-netwerks tal-SMEs fir-ristrutturar, l-SMEs spiss ma jkunux jistgħu jorganizzaw approċċi sofistikati jew faċilitajiet ta' taħriġ. Għandhom jingħataw l-opportunità li jibbenefikaw minn strutturi nazzjonali u reġjonali mmirati u minn appoġġ minn barra.

3.5

Il-KESE jagħti importanza kbira lit-tixrid ta' prattiki tajba; Għadd ta' reġjuni madwar l-Ewropa qed jirnexxilhom jorganizzaw tajjeb ħafna din il-preparazzjoni ukoll għall-futur, għall-benefiċċju tal-popolazzjoni u r-reżiljenza tal-ekonomija tagħhom. L-UE, inkluż il-KESE, tista' tkun aktar ta' appoġġ f'dan il-qasam.

3.6

Il-kunsilli settorjali għall-impjieg u l-ħiliet fil-livell tal-UE jistgħu jkunu ta' għajnuna kbira ukoll. Huma jistgħu jservu wkoll bħala pjattaformi għal-laqgħat bejn il-partijiet interessati involuti direttament. Il-KESE jipprevedi mill-inqas tliet kompiti għal dawn il-kunsilli: l-informazzjoni dwar il-ħtiġijiet f'termini ta' edukazzjoni, l-iskambji tal-previżjonijiet dwar tendenzi/sfidi futuri, u informazzjoni dwar ir-raġunijiet li wasslu għall-ħtieġa ta' ristrutturar. Dan kollu jkun ta' benefiċċju għal skambju kontinwu ta' opinjonijiet kif ukoll utli għall-konverġenza 'il fuq. L-aġenziji Ewropej għandhom jibbenefikaw ukoll mill-konklużjonijiet operattivi u prammatiċi ta' dawn il-Kunsilli.

3.7

Analiżijiet komuni u dijanjożijiet konġunti jirriżultaw f'responsabilitajiet speċifiċi għal kull parti interessata f'diversi livelli, kif ġie argumentat b'mod estensiv fil-Kapitolu 2. Dan huwa proċess kontinwu li diġà huwa prattika komuni f'għadd ta' Stati Membri, iżda attwalment anqas żviluppat f'ċerti Stati Membri oħra. L-ekonomiji fejn dawn il-prattiki huma applikati tajjeb ġeneralment imorru aħjar minn dawk li baqgħu lura f'dan ir-rigward. Kif intqal, sistemi konsenswali jagħtu gwadann.

3.8

Matul ir-ristrutturar l-UE tista' tippromwovi l-koordinazzjoni sodisfaċenti bejn il-partijiet interessati involuti billi trawwem proċeduri u proċessi effettivi fil-kumpaniji u r-reġjuni permezz ta' appoġġ finanzjarju mill-fondi tal-UE fejn xieraq.

3.9

L-Anness jenfasizza r-rwol tal-impjegat individwali. Meta jkunu nħolqu l-kundizzjonijiet u l-faċilitajiet it-tajba, huwa f'idejn l-impjegat individwali li jagħżel l-aktar approċċ xieraq għalih. Għal darb'oħra, firxa wiesgħa ta' għażliet individwali jistgħu jiġu identifikati, mit-titjib ta' ħiliet fuq il-post sat-twessigħ tal-kompetenzi, kif ukoll l-għażla ta' direzzjoni ġdida. Il-prattika ta' impjieg wieħed tul il-ħajja kollha qed tiġi sostitwita progressivament b'karrieri flessibbli jew f'kumpaniji (kbar) jew f'kuntest usa'.

3.10

Il-partijiet interessati kollha għandhom jikkunsidraw dawn il-bidliet fundamentali, b'attenzjoni speċjali għall-gruppi vulnerabbli. F'diversi Stati Membri l-imsieħba soċjali u l-Istat matul is-snin żviluppaw programmi mmirati. Il-KESE jindika, fost affarijiet oħra:

il-mudell tas-suq tax-xogħol Daniż magħruf bħala flessigurtà. Wara l-problemi u l-kritika inizjali ntlaħaq bilanċ raġonevoli bejn l-ispejjeż u r-riżultati ta' dan il-mudell, li jgħaqqad suq tax-xogħol flessibbli mal-protezzjoni soċjali (12), inkluż, fost affarijiet oħra, is-sorveljanza intensifikata tas-suq tax-xogħol, ftehimiet ta' qsim tax-xogħol, arranġamenti ta' rotazzjoni tax-xogħol, inkubaturi tal-innovazzjoni, u sistema ta' taħriġ vokazzjonali;

is-sistema Ġermaniża ta' tagħlim f'żewġ livelli li tinkludi l-involviment tal-kumpaniji u politika proattiva tat-tagħlim u ta' apprendistati prattiċi;

programm bħal dak Svediż dwar “it-tisħiħ tal-għarfien” (Knowledge Lift) li kien maħsub biex iżid il-livell ta' ħiliet tal-ħaddiema adulti bi ftit ħiliet jewlivell medju ta' ħiliet, immirat lejn il-persuni li għandhom bejn 25 u 55 sena.

3.11

Hemm iktar eżempji. Uħud minn dawn is-sistemi huma skaduti, oħrajn għadhom jaħdmu tajjeb; dan juri kif l-involviment tal-Istat u l-impenn tal-imsieħba soċjali jipprovdu strumenti komuni bi tweġiba għad-dinamika attwali. Madankollu, oħrajn waqfu xi żmien ilu. Il-Kummissjoni permezz tat-tixrid ta' prattiki tajba b'mod sistematiku, għandha tinkoraġġixxi l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri kollha biex jidentifikaw l-għodod prattiċi u utli.

3.12

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-fatt li l-Kummissjoni – skont il-fehmiet tal-KESE kif espressi f'għadd ta' opinjonijiet, kif ukoll fir-reazzjoni tiegħu għall-Green Paper (13) – inkludiet rwol attiv għall-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fl-antiċipazzjoni u fil-proċess ta' ristrutturar, fuq l-istess livell mal-kumpaniji, l-impjegati, u l-imsieħba soċjali. Il-kooperazzjoni u l-koresponsabilità meħtieġa ħafna tagħhom spiss mhix stmata biżżejjed. Il-punti ta' attenzjoni ppreżentati mill-Kummissjoni jenfasizzaw l-importanza tal-parteċipazzjoni tagħhom (14).

3.13

Il-livelli varji tal-gvern għandhom ir-responsabilitajiet proprji tagħhom. Fil-maġġoranza tal-pajjiżi l-amministrazzjonijiet nazzjonali huma responsabbli (legalment) mill-kundizzjonijiet qafas, filwaqt li l-awtoritajiet reġjonali jistgħu jagħmlu ħafna fl-organizzazzjoni ta' faċilitajiet u fil-ħolqien ta' spirtu komuni, kif jista' jiġi konkluż minn għadd kbir ta' każijiet konkreti. Dan ifisser li l-kwalità tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali ta' spiss hija fattur deċiżiv għas-suċċess jew il-falliment ta' dawn l-operazzjonijiet. Dawn għandhom jiġu involuti fl-istudji tal-każ tal-antiċipazzjoni u tar-ristrutturar u dwar prattiki ta' suċċess.

3.14

Il-Kummissjoni Ewropea qed tmexxi l-organizzazzjoni ta' diskussjonijiet fil-livell tal-UE u fit-tixrid ta' prattiki. Din tista' tappoġġja l-iżvilupp ta' spirtu komuni madwar l-Unjoni. Tista' tgħin biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex isir użu tajjeb tal-fondi Ewropej. Għandha wkoll rwol li tippromovi d-djalogu soċjali dwar l-antiċipazzjoni u r-ristrutturar, b'mod partikolari fil-livell settorjali.

3.15

Il-ġbir ta' data dwar l-operazzjonijiet ta' ristrutturar – inkluż l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom – għandu jsir eħfef, u għandu jwassal għal analiżi. Għandha tkun garantita kontinwament il-koordinazzjoni effettiva bejn l-aġenziji bħall-Eurofound u s-CEDEFOP, il-Kummissjoni, u l-partijiet interessati.

Brussell, 10 ta' Lulju

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Komunikazzjoni tal-KE – Qafas ta' kwalità tal-UE, paġna 15 u ta' warajha.

(2)  Ġ.U. C 299, 04/10/12, p. 54, kummenti dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-ristrutturar u l-anitiċipazzjoni tal-Bidla, 2012.

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2013.

(4)  Eżempju tajjeb ta' żviluppi pijunieri attwali huwa r-rapport Ġermaniż “Recommendations for implementing the strategic initiative INDUSTRIE 4.0” (Rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva strateġika INDUSTRIE 4.0), maħruġ mill-Forschungsunion u l-Akkademja Nazzjonali għax-Xjenza u l-Inġinerija u sponsorjat mill-Ministeru Federali għall-Edukazzjoni u r-Riċerka, f'April 2013 (4.0 jirreferi għar-raba' rivoluzzjoni industrijali).

(5)  Ġ.U. C 327, 12/11/2013, p. 82, kummenti dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Politika Industrijali, 2013.

(6)  Ġ.U. C 299, 04/10/12 p. 54

(7)  Sommarju tat-tweġibiet tal-konsultazzjoni dwar il-Green Paper (nota 1 ta' qiegħ il-paġna).

(8)  Ara Ġ.U. C 161, 06/06/2013, p. 35, u t-titlu bl-Ingliż tal-Opinjoni.

(9)  Ara Ġ.U. C 318, 29/10/11 p. 43

(10)  Komunikazzjoni tal-KE – Qafas ta' Kwalità tal-UE, paġna 15 u ta' warajha.

(11)  (Direttiva 2001/23/KE).

(12)  Ara “Anticipating and Managing restructuring – Denmark”, International Training Centre ILO, Diċembru 2009.

(13)  Ara n-nota nru 1 f'qiegħ il-paġna.

(14)  Ara paġna 19.


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/123


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-Reviżjoni tal-Linji Gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali”

COM(2014) 963 final

(2014/C 451/20)

Rapporteur:

IS-SUR KRAWCZYK

Korelatur:

IS-SUR WENNMACHER

Nhar it-8 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

L-Għajnuna mill-Istat lill-ajruporti u lil-linji tal-ajru.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Lulju 2014 (seduta tad-9 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’183 vot favur, 3 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon ir-Regolament ġdid tal-Kummissjoni Ewropea dwar Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Ajruporti u l-Linji tal-Ajru. Dan ir-Regolament li ilu mistenni kemm mill-ajruporti kif ukoll mil-linji tal-ajru jistabbilixxi l-qafas, b’mod partikolari, bil-perjodu ta’ tranżizzjoni, li jindirizza xi problemi importanti tas-settur tat-trasport Ewropew li qed jgħaddi minn bidliet kbar.

1.2.

Il-KESE jiddispjaċih/jinnota b’dispjaċir li minħabba pressjonijiet mhux ġustifikati ġejjin minn lobbies reġjonali u politikanti eletti fil-livell lokali, ir-regolament finali adottat mill-Kummissjoni Ewropea ma jipprovdix għodod suffiċjenti għal titjib sostanzjali fit-trasparenza tas-suq/settur tal-avjazzjoni Ewropea. L-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-avjazzjoni fuq l-art irid jiġi kkoordinat aħjar fil-livelli differenti (UE, Stat Membru, reġjuni). L-infiq ta’ flus ta’ min iħallas it-taxxa, inklużi r-riżorsi baġitarji tal-UE, irid ikun maħsub tajjeb abbażi ta’ studju ta’ fattibilità li ma jkunx influwenzat mill-politika lokali iżda jkun validitat mid-domanda ekonomika u soċjali rilevanti. Dan l-istudju għandu jevalwa wkoll is-sostenibbiltà tal-proġett billi jintegra kriterji ta’ użu tal-art, l-impatt fuq l-impjieg, kundizzjonijiet ta’ xogħol u l-impatt ambjentali. Għandha titqies ukoll il-koerenza mal-proġetti strateġiċi tal-UE, bħall-Ajru Uniku Ewropew kif ukoll is-SESAR.

1.3.

Il-KESE huwa mħasseb dwar l-ammont li qed jikber ta’ “każijiet ta’ kompetizzjoni” mill-Kummissjoni, u l-attitudini ħażina tal-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam man-nuqqas tal-kundizzjonijiet ugwali fis-settur tal-avjazzjoni Ewropea. Perjodu ta’ tranżizzjoni twil ħafna għal ajruporti biex jibdew jagħmlu qligħ mhux qed jipprovdi inċentiv biżżejjed għal bidla sostanzjali f’dan ir-rigward.

1.4.

Il-KESE qed jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu dwar il-fatt li qatt ma sar dan l-istudju li għandu jippreżenta l-qagħda attwali tal-għajnuna pubblika u prattiki simili f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni, u li kien ġie mitlub mill-Kumitat fl-Opinjoni preċedenti tiegħu. Tħalla wisq spazju għal nuqqas ta’ ċarezza politika dwar is-suġġett u mhemmx biżżejjed data konkreta sabiex jiġu proposti soluzzjonijiet rilevanti. Il-KESE qed jerġa’ jippreżenta t-talba tiegħu bħala waħda li għadha rilevanti u ġustifikata. Dan l-istudju għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-ammont ta’ għajnuna u x’tip ta’ għajnuna, l-impatt reali tagħha fuq l-iżvilupp u l-effiċjenza tal-ekonomija, u l-impatt tagħha fuq l-impjieg, mil-lat kwantitattiv kif ukoll kwalitattiv.

1.5.

F’dan il-kuntest, il-Kumitat jaħseb li huwa importanti li jitħeġġeġ id-djalogu soċjali u li jiġi evitat id-dumping soċjali fis-settur. Huwa importanti wkoll li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jiżgura li tkun disponibbli kontinwament data aġġornata dwar l-evoluzzjoni tas-suq tax-xogħol fis-settur tal-avjazzjoni.

1.6.

Waħda mill-problemi serji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ linji gwida preċedenti kienet infurzar dgħajjef/mhux suffiċjenti. Il-KESE huwa mħasseb li l-għadd kbir ta’ “eċċezzjonijiet” fir-regolament attwali – flimkien ma’ perjodu ta’ tranżizzjoni twil ħafna – se jwassal biex fil-futur l-infurzar jibqa’ dgħajjef u b’hekk jipperikola l-kisba tal-għan ewlieni ta’ dan ir-Regolament: il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet indaqs.

1.7.

L-applikazzjoni retroattiva tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni fir-rigward tal-għajnuna operattiva għandha tippermetti dawk l-ajruporti u linji tal-ajru li għal snin ilhom joperaw lil hinn mill-qafas stabbilit mil-Linji Gwida tal-2005 biex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda. B’mod simili, applikazzjoni retroattiva tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni ġodda għandha tevita li tippenalizza atturi tas-suq li segwew u rrispettaw il-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-2005 li kienu applikabbli.

1.8.

Għalhekk, taf tkompli taffettwa ħażin l-avjazzjoni Ewropea fil-mod kif tittejjeb il-konnettività. Huma neċessarji kundizzjonijiet ugwali sabiex l-avjazzjoni Ewropea terġa’ ssir sostenibbli. Seduta pubblika organizzata mill-KESE fl-2014 uriet b’mod ċar li t-tellieqa għas-sussidji attwali qed tipperikola s-sitwazzjoni tal-avjazzjoni Ewropea u ddgħajjef ħafna s-sostenibilità tagħha.

1.9.

Il-KESE jirrikonoxxi l-approċċ li l-Linji Gwida tal-Avjazzjoni jagħtu lir-Regolament dwar l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar huma biss l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ regoli ġodda li se jidditerminaw jekk intlaħqux ċ-ċarezza u s-sempliċità.

1.10.

Fir-rigward ta’ pjani għal linji tal-ajru ġodda li jinvolvu fondi pubbliċi estensivi, il-KESE jaħseb li programmi ta’ sensibilizzazzjoni u prattiki ta’ appoġġ huma organizzati għas-sidien u l-meniġers ta’ ajruporti reġjonali, li huma ftit jew xejn preparati biex jittrattaw dawn il-problemi.

1.11.

L-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat fi ħdan is-suq intern trid tiġi mtennija f’pajjiżi terzi. L-awtoritajiet tal-UE jridu jkunu koerenti u jadattaw il-politika tagħhom fir-rigward tal-aċċess għas-suq tal-UE, speċjalment għal operaturi li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet favorevoli fil-pajjiżi tagħhom li aktarx joħolqu kompetizzjoni mhux ġusta. L-għan huwa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali.

1.12.

Jekk l-avjazzjoni tal-UE trid tlaħħaq mad-domanda dejjem tiżdied b’mod sostenibbli, trid toffri impjiegi ta’ kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin sabiex tissodisfa kemm l-interessi tal-vjaġġaturi kif ukoll ir-rekwiżiti tas-sigurtà. Kif diġà ntqal, għalhekk huwa importanti li jitħeġġeġ id-djalogu soċjali u jiġi evitat id-dumping soċjali fis-settur. Diġà jeżistu diversi gruppi fis-settur tal-avjazzjoni tal-UE li twaqqfu għal diskussjoni mal-imsieħba soċjali rilevanti u għal raġunijiet ta’ effiċjenza jridu jissaħħu iżjed u jinkludu r-rappreżentanti tal-ajruporti. Huwa importanti wkoll li titqajjem aktar sensibilizzazzjoni neċessarja fost l-operaturi u li ma tingħatax għajnuna mill-Istat fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli rilevanti u b’mod partikolari fil-każ ta’ ksur tal-liġijiet tax-xogħol applikabbli.

1.13.

Huwa għalhekk ukoll li se jkun importanti ħafna li tiġi monitorjata mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni attwali “ġodda”. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrivedi kemm jistgħu jintlaħqu l-miri preżunti u tirrapporta lura mhux aktar minn 12-il xahar wara.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-avjazzjoni Ewropea kienet żviluppata bħala suq fejn id-domanda tiddetermina l-prezzijiet tal-ajru u l-miżati u ħlasijiet imħallsa mill-utenti jkopru l-ispejjeż tal-avjazzjoni bl-għan li tiġi stabbilita “sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti fir-riżorsi” (White Paper dwar it-Trasport, 2011). Madankollu, l-għajnuna mill-Istat lill-ajruporti u lil-linji tal-ajru ħolqot dgħufijiet strutturali fundamentali fis-suq tal-avjazzjoni Ewropew li kellhom jiġu korretti.

2.2.

Il-Kummissjoni Ewropea kienet ilha bil-ħsieb li tirrevedi l-Linji Gwida tal-1994 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-avjazzjoni, u għal-Linji Gwida tal-UE tal-2005 dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu għall-kumpaniji tal-ajru li jitilqu minn ajruport reġjonali (minn issa ‘l quddiem imsejħa Linji Gwida tal-Avjazzjoni). Kien ilu jinħass il-bżonn ta’ regoli iżjed ċari sabiex l-ajruporti jkunu jistgħu jirċievu għajnuna fejn hija tabilħaqq meħtieġa – b’mod partikolari meta wieħed iqis li kien ġeneralment rikonoxxut li l-Linji Gwida tal-Avjazzjoni preċedenti ma kinux ġew infurzati b’mod effettiv.

2.3.

Fl-482 sessjoni plenarja tiegħu, li saret fil-11 ta’ Lulju 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adotta Opinjoni addizzjonali dwar ir-“Reviżjoni tal-linji gwida tal-1994 u tal-2005 dwar l-avjazzjoni u l-ajruporti fl-UE” CCMI/95. Fl-Opinjoni tiegħu l-KESE ppreżenta tajjeb l-iżvilupp tas-suq Ewropew tal-Avjazzjoni, kif ukoll l-ostakli kbar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni ta’ dak iż-żmien, barra milli ressaq sensiela ta’ konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet.

2.4.

F’din l-Opinjoni l-KESE ppromova l-ħtieġa għal qafas legali tal-UE standardizzat għas-settur tal-avjazzjoni kollu sabiex jevita prattiki ta’ sussidju mhux kontrollati u jiżgura kundizzjonijiet ugwali għall-parteċipanti kollha tas-suq anki fil-livell lokali.

2.5.

Il-KESE rrimarka li l-Linji Gwida tal-Avjazzjoni ġodda għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ sett ċar u sempliċi ta’ regoli sabiex tinkiseb ċertezza legali għas-settur tal-avjazzjoni Ewropew. Il-KESE enfasizza l-importanza ta’ implimentazzjoni adegwata tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni; l-infurzar għandu jkun l-aspett l-iżjed importanti.

2.6.

Skont l-Opinjoni preċedenti tal-Kumitat (CCMI/95), il-Linji Gwida tal-Avjazzjoni ġodda li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni għandhom jimmiraw li jipproteġu kull tip ta’ trasportatur minn għajnuna finanzjarja diskriminatorja, mhux ċara jew li toħloq distorsjoni u li tingħata minn gvernijiet jew ajruporti reġjonali. Il-ffondi pubbliċi m’għandhomx jgħawġu l-kompetizzjoni la fost l-ajruporti u lanqas fost il-kumpaniji tal-ajru.

2.7.

Il-KESE sostna li l-għajnuna mill-Istat għal investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport u għajnuna tal-bidu għall-kumpaniji tal-ajru kellha tingħata biss f’każijiet strettament definiti, u kellha tkun limitata skont il-perjodu ta’ żmien u l-intensità. Barra minn hekk, kellha tingħata biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipji tat-trasparenza, it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni.

2.8.

Fir-rigward tat-trasparenza, il-KESE kkonkluda li l-kundizzjonijiet li bihom kellha tkun disponibbli l-għajnuna pubblika għandhom jiġu ppubblikati għall-pubbliku. Għandu jkun hemm żvelar sħiħ tal-għajnuna disponibbli lill-ajruporti u t-trasportaturi u l-kundizzjonijiet li bihom l-għajnuna ngħatat.

2.9.

Bħala prinċipju ġenerali, kienet il-fehma tal-KESE li l-investiment privat ma jistax jitqies bħala għajnuna mill-Istat. Fl-istess ħin, operatur pubbliku jista’ jaġixxi bħala investitur privat jekk l-investiment huwa kummerċjalment ġustifikabbli.

2.10.

Il-Kumitat kien tal-fehma li kien hemm bżonn li jitħejja studju li jippreżenta l-qagħda attwali tal-għajnuna mill-Istat u prattiki simili f’dik li għandha x’taqsam l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni. B’mod partikolari, sabiex jiġi valutat sa liema punt il-prattika li għadha għaddejja għawġet jew le l-kundizzjonijiet ugwali fost l-ajruporti kif ukoll fost il-linji tal-ajru, l-istudju għandu jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-ammont u t-tip ta’ għajnuna mogħtija, l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp/l-effiċjenza eknomiku/a reali, u l-impatt kwantitattiv u kwalitattiv fuq l-impjieg.

2.11.

Il-KESE rrimarka li l-linji gwida l-ġodda għandhom iqisu l-interess tal-impjegati u l-vjaġġaturi. Peress li r-riżorsi umani huma komponent essenzjali tal-kwalità tas-sistema tat-trasport bl-ajru, jeħtieġ li industrija sostenibbli tal-avjazzjoni ċivili toffri impjieg ta’ kwalità u kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol. Għall-istess raġunijiet huwa importanti li jitħeġġeġ id-djalogu soċjali sabiex jiġi evitat id-dumping soċjali fis-settur.

2.12.

Il-KESE appella wkoll għal politika fit-tul fir-rigward tal-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali. Il-Linji Gwida tal-Avjazzjoni jistgħu jiġu infurzati b’suċċess biss jekk ikun hemm qbil dwar prijoritajiet ta’ politika ċari dwar l-iżvilupp tal-ajruport reġjonali. Kellu jkun il-kompitu tal-Kummissjoni li tfassal din l-aġenda ta’ politika sabiex din titħejja mingħajr iktar dewmien.

2.13.

Il-KESE appella lill-Istati Membri biex jagħtu appoġġ u impenn b’saħħithom għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida l-ġodda. Dan l-appell kien partikolarment rilevanti safejn hija kkonċernata l-allokazzjoni tal-fondi tal-UE fil-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid. “Li nagħmlu iktar b’baġit iżgħar jeħtieġ prijoritajiet ċari. L-iżvilupp reġjonali huwa importanti ħafna, iżda m’għandux jiġġustifika aktar l-iżvilupp tal-ajruporti, fejn ma hemm l-ebda possibbiltà li tinħoloq biżżejjed domanda”.

3.   Il-qagħda attwali tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni

3.1.

Fl-20 ta’ Frar 2014 il-Kummissjoni Ewropea addottat il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Ajruporti u l-Linji tal-Ajru, li ħadu post dawk li kienu ilhom fis-seħħ għal kważi għaxar snin (1994 u 2005).

3.2.

Ir-regoli l-ġodda jippermettu l-għoti ta’ għajnuna operattiva lil ajruporti żgħar li mhux qed jagħmlu qligħ matul perjodu tranżitorju ta’ għaxar snin. Wara dak iż-żmien l-ajruport irid ikopri l-ispejjeż tiegħu. L-ammont massimu ta’ għajnuna permess huwa:

50 % tad-differenza meħtieġa għall-finanzjament operattiv inizjali għal ajruporti li jirċievu inqas minn 3 miljun passiġġier fis-sena,

80 % għal ajruporti li jirċievu sa 7 00  000 passiġġier fis-sena.

3.2.1.

Madankollu, se jkun għadu possibbli li jingħata kumpens għal spejjeż operattivi għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali mhux koperti. Dan ikun japplika għal ajruporti b’rwol importanti fit-titjib tal-konnettività reġjonali ta’ reġjuni iżolati remoti jew periferiċi.

3.3.

L-għajnuna għal investiment trid tkun iktar immirata u permessa biss jekk ikun hemm ħtieġa ġenwina għal trasport u sakemm l-effetti pożittivi huma ċari. Kapaċità ta’ trasport addizzjonali għandha tinħoloq biss meta hemm domanda għaliha. M’għandha tingħata l-ebda għajnuna għal investiment meta l-investiment idgħajjef ajruporti li diġà jeżistu fl-istess żona, u l-ebda għajnuna għal investiment f’żoni li diġà għandhom konnessjonijiet tajbin b’mezzi oħra ta’ trasport.

3.3.1.

L-ammont massimu ta’ investiment permess huwa:

Sa 25 % għal ajruporti li jirċievu 3-5 miljun passiġġier fis-sena,

Sa 50 % għal ajruporti li jirċievu 1-3 miljun passiġġier fis-sena,

Sa 75 % għal ajruporti li jirċievu inqas minn miljun passiġġier fis-sena,

L-ebda għajnuna għal ajruporti li jirċievu ‘l fuq minn 5 miljun passiġġier fis-sena (b’eċċezzjonijiet żgħar, jiġifieri rilokazzjoni).

Il-limitu massimu għal għajnuna għal investiment għall-finanzjament tal-infrastruttura tal-ajruporti jista’ jiżdied sa 20 % għal ajruporti li jinsabu f’reġjuni remoti.

3.4.

Il-linji tal-ajru se jkunu jistgħu jirċievu għajnuna li tkopri sa 50 % tal-ħlasijiet tal-ajruporti għal destinazzjonijiet ġodda matul perjodu ta’ tliet snin. Arranġamenti iżjed flessibbli jistgħu jkunu ġustifikati għal ajruporti li jinsabu f’reġjuni remoti.

3.5.

Arranġamenti bejn linji tal-ajru u ajruporti se jiġu kkunsidrati ħielsa mill-għajnuna jekk investitur privat, li jopera taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, ikun aċċetta l-istess kriterji. Jekk l-arranġament ma jagħmilx qligħ, il-ftehim bejn l-ajruport u l-linja tal-ajru se jiġi kkunsidrat bħala appoġġ pubbliku lil-linja tal-ajru.

Brussell, 9 ta’ Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/127


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti”

COM(2013) 659 final

(2014/C 451/21)

Relatur:

is-sur KALLIO

Korelatur:

is-sur BURNS

Nhar l-20 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti

COM(2013) 659 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu tad-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'111-il vot favur u 5 stensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti (UE SF) u ż-żewġ dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjawha. Fil-kuntest ta' esiġenzi dejjem ikbar fuq il-foresti u t-theddid kontrihom, kif ukoll ħafna politiki settorjali tal-UE u regoli assoċjati li jaffettwaw lill-forestrija u l-foresti, l-istrateġija l-ġdida hija ferm bżonjuża. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri biex jiżguraw li l-Istrateġija tiġi implimentata b'mod effettiv u effiċjenti.

1.2

F'dan il-kuntest, il-Kumitat ifakkar lill-Kummissjoni li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE ma jagħmel l-ebda referenza għal politika komuni tal-UE dwar il-foresti u li l-kontroll tal-politika dwar il-foresti għandu jibqa' f'idejn l-Istati Membri.

1.3

Il-Kumitat jappoġġja l-approċċ olistiku u bbilanċjat bejn it-tliet pilastri tas-sostenibbiltà (il-pilastru ekonomiku, dak ambjentali u dak soċjali), enfasizzati fl-intestaturi ġenerali tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti, maqsuma fi tmien prijoritajiet. Il-KESE jemmen li l-linji gwida strateġiċi għal kull waħda mit-tmien prijoritajiet għandhom jintużaw biex jiżguraw li l-Istrateġija qed tiġi implimentata malajr.

1.4

Meta jitqies kemm il-foresti huma importanti għall-iżvilupp taż-żoni rurali u sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija, il-KESE jappella biex il-programmi għall-iżvilupp rurali jinkludu miżuri relatati mal-forestrija, u biex dawn il-miżuri jiġu promossi, sabiex jiġu assorbiti iktar fondi disponibbli.

1.5

Biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet dejjem ikbar tal-forza tax-xogħol minħabba livelli ta' mekkanizzazzjoni dejjem ogħla fil-katina ta' valur tal-forestrija u bħala tweġiba għall-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-ambjent, il-KESE jenfasizza l-bżonn li l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-trasferiment tal-għarfien jiġu promossi fil-livelli kollha tas-settur tal-foresti. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jappella wkoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jixprunaw ir-riċerka dwar kif jistgħu jittejbu l-potenzjal tal-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-settur tal-forestrija.

1.6

Il-KESE jemmen li d-diskussjoni dwar il-Kriterji ta' Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti, irrispettivament mill-użu aħħari tal-injam, għandhom ikunu bbażati fuq il-kriterji u l-indikaturi rikonoxxuti u aċċettati b'mod mifrux, imfassla matul il-proċess tal-FOREST EUROPE (1) u għandhom iqisu wkoll il-karatteristiċi partikolari tal-Istati Membri u s-sistemi u l-leġislazzjoni eżistenti għall-foresti.

1.7

Fir-rigward tal-prinċipji li bihom jiġu prijoritizzati l-użi tal-injam, il-Kumitat ma jaċċetta l-ebda regola legalment vinkolanti u jappoġġja approċċ ibbażat fuq is-suq miftuħ u l-libertà tal-parteċipanti tas-suq.

1.8

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li jinbtu mit-tibdil fil-klima, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkooperaw b'mod transkonfinali u jappoġġja t-talbiet biex il-foresti Ewropej isiru iktar adattabbli u reżiljenti, inklużi l-prevenzjoni tan-nar u soluzzjonijiet oħra adattivi bħala protezzjoni kontra l-perikli naturali. Sforzi adatti għandhom jiffokaw fuq ir-reżiljenza u l-multifunzjonalità tal-foresti.

1.9

Il-KESE jappoġġja l-użu ta' pjani ta' ġestjoni tal-foresti imma jenfasizza li għandhom ikomplu jintużaw fuq bażi volontarja u jinżammu separati b'mod ċar mill-pjani ta' ġestjoni tan-Natura 2000 sabiex jiġu evitati l-ispejjeż mhux neċessarji u l-burokrazija.

1.10

Bażi tal-għarfien imtejba hija s-soluzzjoni biex nifhmu l-ħafna sfidi li qed jiffaċċja s-settur tal-foresti. Il-KESE għalhekk iqis li jeħtieġ li naħdmu lejn l-armonizzazzjoni tad-data u skambju ta' informazzjoni u trasparenza iktar effettivi, filwaqt li fl-istess ħin jiġu rispettati d-drittijiet tal-proprjetà.

1.11

Il-KESE jappoġġja l-promozzjoni tal-injam u materji oħra tal-foresti inkluż is-sufra bħala materja prima domestika, sostenibbli, rinnovabbli u favur il-klima u l-ambjent u jinsab konvint li s-settur tal-foresti jrid jaqdi rwol ewlieni fis-suċċess ta' bijoekonomija futura.

1.12

Sabiex titrawwem il-kompetittività tas-settur tal-foresti, il-KESE jenfasizza l-importanza li jsir l-aħjar użu mill-opportunitajiet attwali u futuri għall-finanzjament biex jiġu appoġġjati r-riċerka u l-innovazzjoni, u jenfasizza r-rwol ta' inizjattivi bħas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) (2) jew is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati (PPP) għall-industriji bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi (3).

1.13

Peress li l-użu tal-bijomassa tal-injam għandu potenzjal kbir u benefiċċji numerużi għall-ekonomija ekoloġika, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod attiv ifittxu modi kif jippromovu l-ġestjoni attiva tal-foresti u jtejbu l-użu tal-injam b'segwitu tal-miri 2020 (4), filwaqt li jirrikonoxxu l-limiti tas-sostenibbiltà.

1.14

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiġu valutati s-servizzi tal-ekosistema u jiġi żviluppat suq għalihom. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni kkoordinata u jistabbilixxu mekkaniżmu ta' kumpens biex jiġu kkumpensati l-fallimenti tas-suq li jeżistu attwalment.

1.15

Ser ikun hemm bżonn koordinazzjoni u komunikazzjoni qawwija mal-gruppi kollha ta' interess rilevanti sabiex l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti tiġi żviluppata u segwita. Għalhekk, il-KESE jenfasizza kemm hu importanti li l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati tissaħħaħ u tiġi żgurata, ħaġa li ser teħtieġ li jissaħħu l-gruppi rilevanti tad-djalogu ċivili, bħall-Kumitat Konsultattiv dwar il-Forestrija. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li jinħolqu gruppi ad hoc li jinkludu r-rappreżentanti tal-KESE u l-KtR.

1.16

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri tal-UE u kull attur ieħor rilevanti biex jissoktaw bin-negozjati u fl-aħħar mill-aħħar jilħqu kunsens dwar ftehim legalment vinkolanti dwar il-foresti fl-Ewropa. Flimkien mal-Istrateġija tal-UE dwar il-Foresti, il-Ftehim Legalment Vinkolanti jkun jirrappreżenta strument ewlieni għat-tisħiħ tas-settur tal-foresti kollu kemm hu. Definizzjonijiet u miri ċari għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti f'livell pan-Ewropew ikollhom ukoll impatt madwar id-dinja.

1.17

Fl-aħħar nett, il-KESE ser isegwi ujinvolvi ruħu f'kull inizjattiva attwali u futura bbażata fuq l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti jew fuq dokumenti oħra relatati, inklużi d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni.

2.   Daħla

2.1

Il-foresti u żoni ta' boskijiet oħra jirrappreżentaw iktar minn 40 % tal-massa tal-art tal-Ewropa u m'hemm l-ebda dubju dwar l-importanza straordinarja tagħhom. Hemm differenzi maġġuri bejn ir-reġjuni fir-riżorsi, l-istruttura, il-ġestjoni u l-użu tal-foresti. B'mod ġenerali, l-erja tal-foresti Ewropej qed tiżdied b'madwar 0,4 % fis-sena tul l-aħħar deċennji, u s-sitwazzjoni dwar l-istokk li qed jikber hija pożittiva wkoll, b'60-70 % biss taż-żieda annwali li qed tinqata'. Madwar 60 % tal-boskijiet għandhom sjieda privata, filwaqt li l-bqija huma pubbliċi.

2.2

Madwar l-UE u b'mod partikolari f'reġjuni b'ħafna foresti, hemm enfasi konsiderevoli fuq il-multifunzjonalità, peress li l-foresti jaqdu finijiet kemm soċjali u ambjentali kif ukoll ekonomiċi. Huma jipprovdu ħabitat għall-annimali u l-pjanti u għandhom rwol importanti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u f'li jipprovdu servizzi oħra tal-ekosistema, inkluż il-kaċċa, il-frott tal-foresta jew is-saħħa tal-bniedem ir-rikreazzjoni jew it-turiżmu. Il-foresti huma importanti anke mil-lat soċjoekonomiku, imma ħafna drabi din l-importanza ma tiġix stmata biżżejjed. Il-forestrjia u industriji relatati jipprovdu impjiegi għal iktar minn tliet miljun persuna u huma kruċjali għall-benesseri u l-impjieg fiż-żoni rurali.

2.3

Il-forestrija sostenibbli mhijiex idea ġdida. Il-kunċett tal-ġestjoni sostenibbli ġie stabbilit fis-settur tal-forestrija 300 sena ilu; minn dak iż-żmien 'il hawn dan l-approċċ ta' ġestjoni responsabbli ġie żviluppat b'mod kontinwu, u gradwalment infirex fis-setturi kollha tal-ekonomija. Id-definizzjoni bażika tal-ġestjoni tal-foresti sostenibbli stabbilita fir-Riżoluzzjoni ta' Ħelsinki tal-1993 tal-Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa kienet stadju importanti f'dan il-proċess, u tqiegħed il-prinċipju tas-sostenibbiltà f'kuntest globali.

2.4

L-Unjoni Ewropea ilha 15-il sena li għandha strateġija għas-settur tal-forestrija. Abbażi ta' riżoluzzjoni (5) tal-Parlament Ewropew, fl-1998 il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni (6) li timplimenta din il-gwida ta' politika.

2.5

Fuq talba tal-Kunsill (7), fir-rebbiegħa tal-2005, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar il-forestrija (8) li mbagħad ġie kkomplementat bl-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni tal-UE għall-foresti li jkopri perjodu ta' ħames snin mill-2007 sal-2011 (9).

2.6

Il-valutazzjoni ex-post tal-pjan ta' azzjoni (li serviet bħala mezz ta' implimentazzjoni tal-istrateġija għall-forestrija tal-1998) saret b'mod parallel mas-Sena Internazzjonali tal-Foresti 2011.

2.7

Għad li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE ma jagħmel l-ebda referenza għal politika komuni tal-UE dwar il-foresti, ħafna politiki settorjali u regoli assoċjati dwar, pereżempju, il-provvista tal-enerġija jew kwistjonijiet ambjentali u tal-klima, qed iwasslu għall-iżvilupp de facto ta' politika komuni tal-UE dwar il-forestrija. Fl-20 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-komunikazzjoni tagħha dwar strateġija ġdida tal-UE għall-foresti, bi tweġiba għall-isfidi li dejjem qed jiżdiedu u li kultant ikunu f'kunflitt li qed jiffaċċjaw il-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti u għall-bżonn ta' politika iktar koerenti u konsistenti.

3.   Qafas tal-istrateġija l-ġdida dwar il-foresti

3.1

Id-dokument bażiku tal-Kummissjoni huwa akkumpanjat minn żewġ dokumenti oħra ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni. L-ewwel wieħed jiffoka fuq il-proċess, l-analiżi u t-triq 'il quddiem proposta mill-istrateġija, u t-tieni wieħed jipprovdi għarfien dettaljat dwar l-industrji tal-UE bbażati fuq il-foresti, jiġifieri x-xogħol tal-injam, l-għamara, il-manifattura u l-konverżjoni tal-polpa u l-karta, u tal-istampar (10). Fid-dawl tal-karattru komplementari u l-importanza tagħhom, id-dokumenti ta' akkumpanjament għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa. Il-KESE għandu jsegwi u jkun involut f'kull inizjattiva attwali u futura bbażata fuq l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti jew dokumenti oħra relatati.

3.2

Il-Kummissjoni għażlet li tippreżenta l-oqsma futuri għall-azzjoni tal-istrateġija taħt tliet intestaturi ġenerali, maqsuma fi tmien prijoritajiet.

3.3

Il-linji gwida strateġiċi previsti għal kull waħda minn dawn it-tmien oqsma prijoritarji jiżguraw li l-Istrateġija tindirizza l-ħtieġa li jiġu proposti miżuri konkreti u mhux biss li jsiru stqarrijiet ġenerali ta' intenzjoni.

3.4

Sabiex tkun tista' ssir implimentazzjoni rapida tal-istrateġija l-ġdida għall-foresti, il-Kummissjoni ma pproponietx li jitfassal pjan ta' azzjoni ġdid separat. Minflok, l-Istrateġija tinkludi lista ta' miżuri speċifiċi intiżi biex jilħqu l-għanijiet tagħha.

3.5

L-Istrateġija l-ġdida għall-foresti ġiet ippubblikata wara l-valutazzjoni finali tal-istrateġija preċedenti, u ftit żmien wara l-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni tal-UE li jmiss u l-qafas finanzjarju pluriennali għall-2014-2020.

3.6

L-ambjent ekonomiku u politiku fl-UE nbidel drastikament minn meta ġiet ippubblikata l-istrateġija preċedenti fl-1998. B'mod partikolari f'termini ta' impenji internazzjonali, l-istrateġija l-ġdida hija mnaqqxa f'qafas regolatorju kompletament ġdid.

3.7

Il-Kummissjoni ppubblikat l-istrateġija l-ġdida għall-foresti biex tikkoinċidi man-negozjati mill-Kumitat ta' Negozjar Intergovernattiv tal-FOREST EUROPE biex jiġi adottat ftehim legalment vinkolanti dwar il-foresti fl-Ewropa (11). Jekk jiġi implimentat, dan il-ftehim jissostitwixxi r-rakkomandazzjonijiet attwali, u jkun jinkludi definizzjonijiet u miri ċari għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti biex jiġu adottati mill-Istati firmatarji.

3.8

Il-KESE, bis-saħħa tar-rakkomandazzjonijiet li għamel (ara l-Appendiċi 1), appoġġja bosta proċessi rilevanti għall-forestrija, inkluża l-istrateġija l-ġdida għall-foresti minn meta tfasslet (12). Meta ġie ppubblikat ir-rapport ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni fl-2005, il-Kumitat ħa l-opportunità biex ifassal Opinjoni komprensiva dwar ir-rwol tal-foresti u l-forestrija f'ambjent li nbidel. Din l-Opinjoni sservi parzjalment biex taġġorna l-Opinjoni preċedenti tal-Kumitat fid-dawl tal-isfidi futuri.

4.   Kummenti ġenerali dwar l-istrateġija l-ġdida għall-foresti

4.1

L-Istrateġija hija bbażata fuq il-fatt li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE ma jagħmel l-ebda referenza għal politika komuni tal-UE dwar il-foresti u b'hekk, il-kontroll fuq il-politiki dwar il-forestrija għadu f'idejn l-Istati Membri. L-Istrateġija hija wkoll waħda komprensiva li tibbilanċja l-aspett ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-forestrija sostenibbli, inkluż l-industrija tal-ipproċessar biswit il-foresti u l-forestrija.

4.2

Hija tenfasizza l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-multifunzjonalità, li tipproduċi firxa ta' prodotti u servizzi b'mod ibbilanċjat u tiżgura li l-foresti jitħarsu. Bħalissa fl-UE hemm biss ħarira iktar minn 60 % tat-tkabbir annwali tal-foresti li jinqata'; l-għan tal-Istrateġija għalhekk hu li tippromovi l-impjieg u l-prosperità bbażati fuq il-foresti fl-Ewropa billi s-settur tal-foresti jsir iktar kompetittiv u billi l-użu tal-injam isir iktar versatili bħala parti mill-isforzi biex tinbena bijoekonomija bbażata fuq materja prima rinnovabbli.

4.3

Din l-Istrateġija l-ġdida tirrappreżenta approċċ olistiku u tentattiv biex tittejjeb il-koordinazzjoni tal-forestrija fl-UE, tiġi promossa implimentazzjoni effiċjenti u effettiva u jsir tentattiv biex tiġi evitata l-burokrazija mingħajr skop u biex tissaħħaħ il-prestazzjoni tal-foresti u l-forestrija fl-UE.

4.4

L-industrija tal-ipproċessar tal-forestrija u dik ibbażata fuq il-foresti tista' tagħmel kontribut ġenwin għas-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020. Madankollu, sabiex dan jinkiseb jeħtieġ li jkun hemm rabta mill-qrib bejn l-Istrateġija tal-foresti u s-segwitu tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 billi tiġi promossa l-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-ewwel strateġija f'kull qasam ta' politika rilevanti.

4.5

Il-valutazzjoni tal-aħħar data dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-forestrija mill-Istati Membri taħt l-iżvilupp rurali wriet li l-istrumenti tal-politika rurali ma ġewx sfruttati kompletament. Sabiex jinkisbu aħjar l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija għall-foresti, l-Istrateġija tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu importanza adatta lill-miżuri relatati mal-foresti fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni. Dan huwa neċessarju b'mod partikolari biex jiżdiedu l-involviment u l-mobilizzazzjoni tal-ħafna rziezet żgħar u foresti b'sidien privati. Dan jista' jiġi appoġġjat billi jiġu semplifikati l-proċeduri u titnaqqas il-burokrazija.

4.6

Fil-ġejjieni, l-intenzjoni hi li l-għanijiet tal-Istrateġija jiġu appoġġjati billi jintużaw il-miżuri u l-istrumenti fil-pakkett dwar il-forestrija fir-regolament dwar l-iżvilupp rurali (13).

4.7

L-Istrateġija tħeġġeġ lill-Istati Membri biex, f'kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali, jiżviluppaw miżuri biex isir użu aħjar tal-potenzjal għall-impjieg fis-settur, biex jittejbu l-ħiliet tal-persuni li jaħdmu fih, u biex ikomplu jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għandha tinbeda riċerka ġdida u mmirata fil-forza tax-xogħol impjegata fil-foresti Ewropej, pereżempju fil-bini tat-toroq, it-tħawwil, il-manutenzjoni tal-foresti, il-ħsad, l-estrazzjoni, it-trasport, is-servizzi tal-informazzjoni u s-servizzi ambjentali. B'mod ġenerali, il-politiki u l-programmi tal-Istati Membri għandhom jgħinu biex itejbu l-kompetittività tal-forestrija u s-settur sħiħ ibbażat fuq il-foresti, sabiex jiġu ġenerati t-tkabbir u l-impjiegi fit-tul.

4.8

L-Istrateġija tenfasizza r-rwol versatili tal-foresti biex jgħinu jiksbu l-miri tal-klima u l-enerġija. Dawn il-miri jistgħu jinkisbu bl-appoġġ tal-ġestjoni u l-użu attiv tal-foresti, ħaġa li tirriżulta fi tkabbir tal-foresti aħjar u ħżin tal-karbonju aħjar u tagħmilha possibbli li s-sorsi ta' enerġija u materjali bbażati fuq il-fossili jiġu sostitwiti b'injam rinnovabbli.

4.9

L-Istrateġija tirrikonoxxi li l-foresti u l-ekosistemi tagħhom jeħtieġu protezzjoni speċjali b'riżultat tat-tibdil fil-klima u theddid ieħor estern.

4.10

L-Istrateġija tirrikonoxxi kemm huwa importanti li tittejjeb l-informazzjoni pubblika dwar il-foresti u l-forestrija u dwar l-injam bħala materja prima rinnovabbli. Dan għandu jiġi appoġġjat minn kampanji mmirati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri bil-għan li l-pubbliku jiġi sensibilizzat dwar ir-rwol li l-foresti jaqdu għas-soċjetà tagħna u viċiversa.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

L-Istrateġija tenfasizza li l-injam huwa materja prima sostenibbli, rinnovabbli, favur il-klima u l-ambjent b'varjetà wiesgħa ta' użi potenzjali. Il-proċessi u l-prodotti li huma effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija u ambjentalment responsabbli jikkontribwixxu għall-kompetittività tas-settur tal-foresti u, b'mod partikolari, ser jaqdu rwol ikbar fil-bijoekonomija tal-UE. Dan ser iżid id-domanda u b'hekk, il-bżonn li l-injam jiġi mobilizzat iktar. Huwa meqjus neċessarju li jiġu vvalutati mill-ġdid il-provvista potenzjali tal-injam, pereżempju permezz tal-immappjar tal-istrutturi tas-sjieda tal-foresti, u l-kwistjoni li l-mobilizzazzjoni miżjuda tal-injam sostenibbli tiġi faċilitata. Għandhom jiġu żviluppati soluzzjonijiet adatti biex tiżdied il-mobilizzazzjoni tal-injam, u dan f'konsultazzjoni mal-katina ta' valur sħiħa tal-forestrija.

5.2

L-Istrateġija teħtieġ li l-Kummissjoni tifformula prinċipji biex jiġu prijoritizzati l-użi tal-injam f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati. Madankollu, regoli legalment vinkolanti dwar il-ġerarkija tal-użu tal-bijomassa tal-foresti, li jiddefinixxu liema użi tal-injam għandhom jingħataw prijorità, b'mod ċar imorru kontra l-ekonomija tas-suq miftuħ u l-libertà tal-parteċipanti tas-suq.

5.3

Kif intqal fl-Istrateġija, fl-2014 il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, ser tniedi analiżi tal-ispejjeż kumulattivi tal-leġislazzjoni tal-UE li tolqot il-ktajjen ta' valur fl-industrija bbażata fuq il-foresti. Peress li dan huwa ta' importanza kruċjali għas-settur sħiħ tal-foresti, kull parti interessata fil-katina ta' valur tal-foresti għandha tkun involuta fil-valutazzoni. B'hekk jiġu żgurati stampa komprensiva u sħiħa tas-settur u approċċ koerenti.

5.4

Il-foresti għandhom ammont kbir ta' bijodiversità u, apparti mill-injam u diversi prodotti tal-foresti bħala materja prima (pereżempju s-sufra), huma jipprovdu varjetà ta' servizzi tal-ekosistema li minnhom jiddependu l-komunitajiet rurali u urbani. Il-bidliet fil-kundizzjonijiet minħabba, pereżempju, it-tibdil fil-klima, il-firxa ta' speċi aljeni invażivi, l-iskarsezza tal-ilma, in-nirien, il-maltempati u l-pesti jżidu l-pressjoni fuq il-foresti u r-riskju tal-perikli naturali. L-isforzi adatti għall-protezzjoni għandhom jiffokaw fuq ir-reżiljenza u l-multifunzjonalità tal-foresti.

5.5

L-Istrateġija tistabbilixxi l-għan li jiġi żgurat u li jintlaħaq bilanċ bejn il-ġestjoni sostenibbli u d-diversi funzjonijiet tal-foresti sal-2020. F'dan il-kuntest, l-UE għandha tagħmel iktar biex tevalwa s-servizzi tal-ekosistema u toħolqilhom suq. Sabiex jiġi żgurat li suq bħal dan ikun jista' jiffunzjona b'mod iktar effettiv, jinħtieġu mekkaniżmi ta' kumpens ikkoordinati mill-Istati Membri biex jiġu kkumpensati l-fallimenti tas-suq li jeżistu bħalissa, pereżempju billi jiġi żgurat li s-sidien tal-art jiġu kkumpensati b'mod adatt għal-limitazzjonijiet meħtieġa għall-protezzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi.

5.6

Apparti l-injam għall-produzzjoni u l-enerġija, hemm diversi prodotti oħra li jipprovdu l-foresti, li jingħataw ftit attenzjoni fl-Istrateġija. Il-produzzjoni tas-sufra, pereżempju, hija importanti ħafna, b'mod partikolari fil-Mediterran, u għandha bosta vantaġġi: hija prodott naturali magħmul minn sorsi rinnovabbli, li ssegwi proċess li jirrispetta l-ambjent u li ma jeħtieġx il-ħsad sħiħ tas-siġar. L-industrija tas-sufra turi l-importanza tagħha billi tikkontribwixxi b'mod konsiderevoli għall-ħolqien ta' impjiegi filwaqt li żżomm l-istabbiltà ekoloġika tal-ekosistema Mediterranja li hija fraġli u mhedda.

5.7

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pjani ta' ġestjoni tal-foresti huma bbażati fuq il-prinċipju tas-sostenibbiltà u l-prattika tajba. L-Istrateġija tinkludi proposta biex jiddaħħlu kunsiderazzjonijiet relatati mal-bijodiversità, bħall-għanijiet ta' konservazzjoni tan-Natura 2000, fil-pjani ta' ġestjoni tal-foresti. Il-ħolqien ta' rabta bejn il-pjani għall-ġestjoni tal-foresti, li jservu bħala għodod ta' pjanar operattiv għas-sidien tal-foresti, u l-pjani ta' ġestjoni ta' Natura 2000, li jservu bħala għodod ta' ppjanar fil-livell tal-awtoritajiet lokali, iċajpar id-demarkazzjoni bejn diversi livelli u responsabbiltajiet ta' ppjanar. Barra minn hekk, dan iżid b'mod konsiderevoli l-burokrazija u l-ispejjeż assoċjati biex jiġi żviluppat pjan ta' ġestjoni tal-foresti.

5.8

Il-frekwenza dejjem ikbar ta' avvenimenti ta' temp estrem, bħala sinjali ta' tibdil fil-klima, teħtieġ ukoll approċċ attiv lejn il-foresti tal-Ewropa. L-għan tal-Kummissjoni hu li żżomm u ttejjeb ir-reżiljenza u l-adattabbiltà tal-foresti tal-Ewropa. Il-materjal riproduttiv tal-foresti tal-ispeċi ta' siġar u l-ibridi artifiċjali li huma importanti għall-finijiet tal-forestrija għalhekk m'għandhomx biss ikunu adatti ġenetikament għall-kundizzjonijiet u ta' kwalità għolja iżda għandhom jagħmlu wkoll kontribut sostenibbli biex tiġi konservata l-bijodiversità.

5.9

Fl-Istrateġija, il-Kummissjoni tappella biex jitfassal qafas għal azzjoni biex jiġu evitati, minimizzati u mitigati l-impatti negattivi ta' speċi aljeni invażivi fuq is-servizzi tal-bijodiversità u l-ekosistema. Tali azzjoni għandha tindirizza wkoll il-ħsara soċjali u ekonomika. Madankollu, anke fil-prijoritizzazzjoni tal-ispeċi aljeni invażivi għandu jittieħed approċċ komprensiv u bbażat fuq ix-xjenza, abbażi ta' kriterji stretti ta' elenkar. Materjal riproduttiv aljen tal-foresti li ma jinfirixx b'mod invażiv u m'għandu l-ebda impatt negattiv fuq il-post il-ġdid għalhekk m'għandux ikun inkluż peress li – b'mod partikolari fid-dawl tat-tibdil fil-klima – jista' jagħmel kontribut pożittiv lill-provvista attwali u futura tal-materja prima u servizzi oħra tal-ekosistema.

5.10

Fl-Istrateġija li għad trid tfassal il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Istati Membri u l-partijiet interessati, tista' tinħoloq lista ta' kriterji ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jistgħu jiġu applikati irrispettivament mill-użu aħħari tal-injam. Meta jkunu qed jitfasslu l-kriterji, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandha titqies b'mod komprensiv, irrispettivament mill-użu aħħari tal-injam. Il-kriterji għandhom ikunu bbażati fuq il-kriterji, l-indikaturi u l-prinċipji eżistenti għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti bħal dawk fil-qafas tal-FOREST EUROPE, fejn is-sostenibbiltà hija kkunsidrata mil-lat nazzjonali u dak reġjonali. Il-kriterji għandhom iqisu wkoll il-karatteristiċi partikolari tal-Istati Membri u l-leġislazzjoni nazzjonali eżistenti dwar il-foresti.

5.11

L-Istrateġija tipproponi li l-gruppi ta' interessi rilevanti għandhom ikomplu jiġu involuti wkoll fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar il-foresti. Korpi provati bħall-Kumitat Konsultattiv dwar il-Forestrija u s-Sufra u l-Kumitat Konsultattiv dwar l-Industriji bbażati fuq il-foresti għandhom jiġu inklużi wkoll fil-pjattaforma għall-kooperazzjoni futura bejn il-partijiet interessati u l-Kummissjoni. Fir-rigward tal-implimentazzjoni, il-kwistjonijiet relatati mal-foresti u l-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-foresti għandhom jiġu indirizzati b'mod regolari minn dawn il-gruppi. Fejn hemm bżonn, jista' jiġi kkunsidrat ukoll il-ħolqien ta' gruppi ad hoc li jkunu jinkludu rappreżentanti mill-KESE u l-KtR.

Brussell, 10 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Il-Kumitat Integovernattiv għan-Negozjar ta' Ftehim Legalment Vinkolanti dwar il-Foresti fl-Ewropa tal-FOREST EUROPE (FOREST EUROPE Intergovernmental Negotiating Committee for a Legally Binding Agreement on Forests in Europe); ara wkoll http://www.forestnegotiations.org/

(2)  Fil-kuntest tal-forestrija u l-foresti s-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni li ġejjin huma rilevanti:

Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikoli: http://ec.europa.eu/agriculture/eip/index_en.htm

Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima https://ec.europa.eu/eip/raw-materials/en

Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma: http://ec.europa.eu/environment/water/innovationpartnership/

(3)  Ara http://bridge2020.eu

(4)  http://ec.europa.eu/europe2020/targets/eu-targets/

(5)  ĠU C 55, 24.2.1997, p. 22.

(6)  COM(1998) 649 final, 18.11.1998.

(7)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill, ĠU C 56, 26.2.1999, p. 1, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Foresti, l-2662 laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd, 30-31 ta' Mejju 2005.

(8)  COM(2005) 84 final, 10.3.2005.

(9)  COM(2006) 302 final, 15.6.2006.

(10)  SWD(2013) 342 u 343 final, A blueprint for the EU forest-based industries, 20.9.2013.

(11)  Għat-test attwali tan-negozjati, ara http://www.forestnegotiations.org/INC/ResINC4/documents

(12)  Opinjoni dwar l-istrateġija dwar il-forestrija tal-1998, ĠU C 51, 23.2.2000, p. 97-104 (mhux disponibbli bil-Malti); Opinjoni dwar ir-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar il-forestrija, ĠU C 28, 3.2.2006, p. 57-65.

(13)  Ara l-Premessa 25 tar-Regolament FAEŻR, R 1305/2013.


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/134


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni – Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa” –

COM(2013) 918 final,

dwar

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis ta’ emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE” –

COM(2013) 920 final – 2013/0443 (COD),

dwar

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti medji tal-kombustjoni” –

COM(2013) 919 final – 2013/0442 (COD),

dwar

“Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar li tiġi aċċettata l-Emenda lill-Protokoll tal-1999 tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila sabiex titnaqqas l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku”

COM(2013) 917 final

(2014/C 451/22)

Relatur:

iS-SUR PEZZINI

Nhar it-13 ta' Jannar 2014, il-15 ta’ Jannar 2014 u t-18 ta' Diċembru 2013, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea, rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 192 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa

COM(2013) 918 final,

dwar

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis ta’ emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE

COM(2013) 920 final, 2013/0443(COD)

dwar

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti medji tal-kombustjoni

COM(2013) 919 final, 2013/0442(COD)

dwar

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar li tiġi aċċettata l-Emenda lill-Protokoll tal-1999 tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila sabiex titnaqqas l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku

COM(2013) 917 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Mejju 2014.

Matul l-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Lulju 2014 (seduta tal-10 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’82 vot favur, 1 voti kontra u bla astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jenfasizza b'qawwa l-ħtieġa li jiġi assigurat ambjent san u bl-aħjar kwalità possibbli ta' arja nadifa, bħala kundizzjoni fundamentali għall-benesseri għall-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol taċ-ċittadini kollha Ewropej, u jiddeplora l-fatt li dan l-element essenzjali għall-Ewropa m'għandux post aktar prominenti fl-aġenda politika Ewropea u nazzjonali bil-piż li jistħoqqlu.

1.2

Il-KESE jitlob lill-Parlament il-ġdid, lill-Kummissjoni l-ġdida u lill-Kunsill li fil-ġejjieni l-istituzzjonijiet Ewropej jagħtu l-ogħla prijorità politika lil ambjent atmosferiku san u nadif, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata.

1.3

Il-Kumitat iqis li t-tniġġis tal-arja jirrappreżenta wieħed mill-aktar perikli gravi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, b'konsegwenzi negattivi gravi f'termini ta' problemi respiratorji, imwiet prematuri, l-ewtrofizzazzjoni u d-degrad tal-ekosistemi filwaqt li jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi Programm ġdid għall-Arja Nadifa u biex tnaqqas il-possibbiltà ta' telf tal-aspettattiva tal-ħajja fl-UE b'8.5 xhur fl-2005 u 4.1 fl-2030 bi gwadann ta' 180 miljun sena ta' ħajja u 2 00  000 km2 restitwiti lill-bijodiversità.

1.3.1

Il-Kumitat huwa konvint li, biex tiġi inċentivata tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli fl-Ewropa, hemm bżonn li jiġi stabbilit għan għall-2030, bi prospettiva aktar sikura, fuq perjodu medju taż-żmien, li hija meħtieġa għall-intrapriżi u l-investituri.

1.4

Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn li tiġi aċċellerata l-applikazzjoni tal-limiti tal-Euro 6 għall-emissjonijiet tal-NOx għall-muturi tad-diesel ħfief, imkejla fuq il-bażi ta' “emissjonijiet reali fis-sewqan” l-istess bħall-modi biex jiġu sostitwiti l-magni two-stroke, peress li l-Kumitat huwa xettiku li l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri jistgħu jiksbu r-riżultati mixtieqa mill-2020.

1.5

Il-KESE jaqbel mal-għan finali tal-Kummissjoni – propost kemm fil-Programm għall-Arja Nadifa kif ukoll fil-Qafas għall-enerġija u l-klima 2020-2030 – li jiġi stabbilit limitu għall-emissjonijiet għas-sena 2030 ta' 70 % tat-tnaqqis fid-divarju – gap closure – bejn il-leġislazzjoni rilevanti u t-tnaqqis massimu fattibbli ta' emissjonijiet (MTFR)

1.6

Il-KESE jqis li l-isforz biex jintlaħaq dan ir-riżultat – li jrid jiġi applikat u implimentat mill-partijiet kollha kkonċernati – jeħtieġ azzjoni deċiża li tinkludi:

l-inklużjoni tal-obbligi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fl-2020 u l-merkurju fl-2020, 2025, u l-2030;

limiti aktar stretti għall-emissjonijiet mill-impjanti medji tal-kombustjoni;

rifjut ta' derogi opzjonali mid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, f'każ ta' periklu konkret ta' impatt fuq is-saħħa;

miżuri speċifiċi għat-tnaqqis tal-ammonja u l-metan fis-settur tal-agrikoltura;

azzjoni aktar deċiża dwar l-emissjonijiet tat-trasport, fosthom is-sistemi ta' kejl “fis-sitwazzjonijiet reali” u l-applikazzjoni fl-2014 ta' testijiet għal dan il-għan fil-mument tal-introduzzjoni tal-istandard Euro 6;

implimentazzjoni deċiża sal-2016 tal-istandards tal-I.M.O. dwar l-NOx u l-SO2għall-bastimenti, kif ġie deċiż fl-2008, taż-żoni kollha marittimi madwar l-Ewropa, bħala żoni ta' kontroll tal-emissjonijiet;

miżuri għal standards b'saħħithom fil-qasam tal-materja partikolata – PM, fit-tagħmir domestiku l-ġdid;

id-disinjar u l-iżvilupp ta' inġenji u magni ekokompatibbli;

l-użu taċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodotti (LCA);

pjanar għaż-żmien medju u twil flok is-sovvrappożizzjoni ta' miżuri ta' azzjoni;

appoġġ għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-konsumaturi, il-ħaddiema u ż-żgħażagħ fil-konservazzjoni u l-iżvilupp ta' dinja produttiva, rikreattiva u li toffri abitat san.

promozzjoni tar-riċerka u l-investiment f'termini tal-applikazzjonijiet innovattivi tas-suq (BAT), tkabbir sostenibbli u impjiegi sani u dejjiema;

dimensjoni internazzjonali tal-azzjonijiet ta' sostenibbiltà ambjentali;

garanzija ta' koerenza bejn din l-istrateġija l-ġdida u politiki u għanijiet oħra tal-UE.

1.7

Il-KESE jaqbel għal kollox dwar il-ħtieġa li fil-liġi tal-UE jidħlu l-modifiki li ntlaħaq qbil dwarhom mal-Protokoll tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar l-inkwinament tal-arja transkonfinali fuq distanza kbira.

1.8

Anke jekk m'hemmx dubju dwar l-għanijiet kwalitattivi fit-tul tal-proposta ta' Direttiva l-ġdida NERC, il-KESE jiddispjaċih li l-għanijiet għall-2025, m'humiex obbligatorji b'mod li tiġi assigurata l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom.

1.9

Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li fil-miżuri ta' politika reġjonali tiġi inkluża s-salvagwardja ta' ambjent tal-arja san u nadif, fil-konvinzjoni li t-tmexxija tal-kwalità tal-arja tista' taħdem biss jekk tiġi appoġġjata minn politiki tal-UE tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, minħabba fil-livell għoli ta' tniġġis akkumulat u l-kundizzjonijiet speċifiċi meteoroloġiċi reġjonali.

1.10

Hemm bżonn ta' impenn kostanti tal-gvernijiet nazzjonali, u l-awtoritajiet lokali għall-ippjanar ta' miżuri konkreti mmirrati li jnaqqsu l-emissjonijiet li jagħmlu l-ħsara, permezz tal-iżvilupp ta' pjan iddettaljat għall-kwalità tal-arja – Pjani Reġjonali ta' Miżuri għall-kwalità tal-Arja – b'attenzjoni kbira għal setturi varji: produzzjoni, agrikoltura, settur terzjarju, dak privat, u l-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija. Il-Kummissjoni għandha tibgħat messaġġ ċar dwar l-applikazzjoni effettiva tagħhom, b'azzjonijiet f'waqthom u deċiżi, kontra l-Istati Membri li ma jikkonformawx. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li bosta Stati Membri diġà ħadu passi fid-direzzjoni t-tajba.

1.11

Għandhom jiġu organizzati miżuri għall-involviment ta' Organizzazzjonijiet professjonali, is-soċjetà ċivili organizzata, l-NGOs, it-tielet settur, iċ-ċentri ta' taħriġ fil-livelli kollha, u ċ-ċentri tar-riċerka, biex jintlaħaq l-għan ta' arja li tkun dejjem aktar nadifa, indispensabbli għall-benesseri taċ-ċittadini u l-ekosistema.

1.12

Il-KESE itenni l-konvinzjonijiet tiegħu dwar il-ħtieġa ta' rilanċ tal-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija Ewropea li jipprijoritizza l-kwalità tal-ħajja, ix-xogħol u s-saħħa taċ-ċittadini tagħha, iħares l-ambjent, b'rabta mill-qrib mal-prijoritajiet politiċi l-oħra kollha tal-Ewropa 2020 u li jidħol għal kollox fi strateġija globali ta' tranżizzjoni lejn bilanċ planetarju, ibbażat fuq tkabbir ekonomiku kwalitattiv, jikkontribwixxi biex jinqerdu l-faqar, l-inġustizzja soċjali, filwaqt li jikkunserva r-riżorsi naturali għall-ġenerazzjonijiet futuri.

2.   Introduzzjoni

2.1

It-tniġġis tal-arja huwa periklu serju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent: problemi tan-nifs, imwiet qabel iż-żmien, ewtrofikazzjoni u degrad tal-ekosistemi minħabba d-depożiti tan-nitroġenu u sustanżi aċidi huma biss xi wħud mill-effetti ta' din il-problema, li fl-istess waqt hija kemm lokali kif ukoll transkonfinali.

2.2

F'dawn l-aħħar deċenni, il-politiki adottati mill-UE u l-komunità internazzjonali diġà kisbu suċċess, billi naqqsu xi problemi marbutin mat-tniġġis tal-arja, bħal fil-każ tad-diossidu tal-kubrit, li minnu toriġina x-xita aċiduża li naqset bi 80 %.

2.3

Minkejja dan il-progress, l-UE għadha 'l bogħod mill-għan tagħha fit-tul li ttejjeb il-kwalità tal-arja b'mod li twarrab ir-riskju ta' ħsara gravi għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, il-partiċelli fini u l-ożonu fil-livell tal-art għadhom joħloqu problemi serji, li skont l-istimi tal-Kummissjoni (1), jammuntaw għall-4 06  000 mewt fis-sena.

2.4

Il-materja partikolata fina u l-ożonu, b'mod partikolari għadhom joħolqu perikli gravi għas-saħħa: il-limiti tas-sigurtà għal dawn is-sustanzi spiss jinqabżu.

2.5

Il-Kummissjoni tistma li t-totalità tar-riperkussjonijiet fuq is-saħħa b'riżultat tal-inkwinament tal-arja tlaħħaq minn EUR 330 sa EUR 940 biljun fis-sena, filwaqt li l-għanijiet proposti għall-2030 jipproduċu benefiċċji ta' EUR 44 sa EUR 140 biljun.

2.6

Fil-fehma tal-Kummissjoni, fl-2010, it-tniġġis tal-arja tal-UE barra milli kkawża mijjiet ta' eluf ta' mwiet bikrija, espona kważi żewġ terzi tal-artijiet għal tniġġis li jagħmel il-ħsara. U dan minħabba l-emissjonijiet.

2.7

Taħt il-profil tas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej, l-ispejjeż għall-kura fl-isptarijiet huma stmati 'l fuq minn EUR 4 biljun u 100 miljun ġurnata tax-xogħol mitlufa fis-sena.

2.8

Fil-livell internazzjonali, f'Diċembru 2012, l-Istati Uniti ddeċidew li jirrevedu l-istandards annwali għall-kwalità tal-arja u jistabilixxu l-limitu ta' 12-il mikrogramma ta' trab fin għal kull metru kubu, jiġifieri taħt il-livell attwali fl-UE ta' 25 mikrogramma għal kull metru kubu, filwaqt li fiċ-Ċina, il-gvern iddeċieda li jinvesti EUR 160 biljun fil-kontroll tal-kwalità tal-arja fiż-żona ta' Pekin biss għall-ħames snin li ġejjin. Jiġifieri l-UE mhix qed tlaħħaq mar-ritmu tal-azzjonijiet li qed jittieħdu fil-livell internazzjonali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE japprova l-għanijiet ġenerali ta' titjib sinifikanti fil-kwalità tal-arja bit-tranżizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, għall-ħarsien kemm tas-saħħa kif ukoll tal-ambjent, kif ġie indikat mill-Kummissjoni fl-istrateġija dwar it-tniġġis tal-arja tal-2005 u rivedut fil-programm tal-Kummissjoni “Arja nadifa għall-Ewropa”.

3.2

Mill-bidu, l-għanijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal kull Stat Membru ġew allokati fuq il-bażi ta' kriterji tal-effikaċja tal-ispejjeż minħabba fil-kundizzjonijiet ambjentali differenti. It-tnaqqis tal-emissjonijiet mitlubin ivarjaw skont il-pajjiż, skont il-prinċipju: “differenzjazzjoni u mhux rata ugwali”.

3.2.1

Fid-dawl tal-ħsara li t-tniġġis tal-arja jikkawża lis-saħħa u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll lill-ekosistemi, il-Kumitat huwa mħasseb li l-kwalità tal-arja m'għadx għandha l-piż meħtieġ fi ħdan l-aġenda politika Ewropea u nazzjonali u jqis importanti, li biex tinċentiva t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli fl-Ewropa, tiġi ffisata mira għall-2030, bi prospettiva għal perjodu ta' żmien medju u twil, meħtieġa għall-intrapriżi u l-investituri.

3.3

Fir-reviżjoni tal-istrateġija dwar it-tniġġis tal-arja hemm l-għan li jintemmu l-vjolazzjonijiet attwali tal-istandard ta' kwalità eżistenti, biex jinkiseb ir-rispett sħiħ mill-2020 l-aktar tard, biex jonqsu l-emissjonijiet tal-NOx tal-muturi tad-diesel ħfief bl-applikazzjoni tal-Euro 6 mkejjel skont “l-emissjonijiet reali fis-sewqan”. Il-KESE huwa xettiku li dan il-kejl jista' jikseb l-effeti mixtieqa mill-2020, peress li l-obbligu ser ikun effettiv biss mill-2017 u r-rinnovament tal-flotta eżistenti tirrikjedi aktar żmien fir-rigward tal-mira tal-2020.

3.4

Barra minn hekk din l-istrateġija tibbaża fuq il-kontribut tal-miżuri li jitwettqu fil-livell lokali u reġjonali, bil-limiti kollha intrinsiċi għal dan il-kejl: s'issa l-effikaċja tal-miżuri fil-livell reġjonali ġiet limitata, speċjalment minħabba fil-livell għoli tal-inkwinament akkumulat u l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi reġjonali partikolari. Il-KESE huwa konvint li l-ġestjoni tal-kwalità tal-arja f'dawn il-livelli tista' taħdem biss jekk tiġi appoġġjata minn politiki tal-UE ta' tnaqqis tal-emissjonijiet mis-sors.

3.5

Fil-fehma tal-Kumitat, il-Kummissjoni xorta waħda trid tqis għadd ta' fatturi li għandhom l-istess importanza u rilevanza:

valutazzjoni tal-ispejjeż/effikaċja tal-miżuri proposti;

kompetittività u innovazzjoni sostenibbli;

dimensjoni internazzjonali tas-sostenibbiltà ambjentali;

tnaqqis fil-burokrazija u tħaffif tal-proċessi;

koerenza u koordinament bejn il-politiki varji tal-UE implikati;

appoġġ lill-UE u nazzjonali għall-edukazzjoni u l-formazzjoni fil-qasam;

fokalizzazzjoni tal-isforzi tal-UE u dawk nazzjonali ta' riċerka u innovazzjoni (R&I) għall-applikazzjoni ta' teknoloġiji tas-suq aħjar;

applikazzjoni deċiża tal-istandards il-ġodda tal-kwalità fis-setturi kollha interessati.

3.5.1

Il-Kumitat jappoġġja l-fatt li l-prijorità politika trid tiġi appoġġjata fil-livell Ewropew u mill-Istati Membri individwali, fit-temi tar-riċerka u l-innovazzjoni, u f'dawk tal-formazzjoni u tal-edukazzjoni li jridu jiġu finalizzati għar-rilanċ tat-tkabbir u l-impjieg sostenibbli u għal industrijalizzazzjoni mill-ġdid u kwalitattivament aħjar tal-ekonomija Ewropea, speċjalment għall-intrapriżi ż-żgħar u dawk medji u għall-intrapriżi li jkunu qed jinbtu, mingħajr ma niksru l-limiti attwali Ewropej għall-baġit.

3.6

Barra minn hekk, skont il-KESE għandu jkun hemm garanzija ta' koerenza bejn l-istrateġija riveduta u politiki oħra tal-Unjoni. B'hekk, pereżempju, jista' jiġi osservat li, minkejja li l-ħruq tal-injam domestiku jirriżulta f'emissjonijiet ta' partiċelli PM 2,5, dan jiġi mħeġġeġ bħala użu ta' sors alternattiv ta' enerġija, filwaqt li dan jeħtieġ klassifikazzjoni tal-emissjonijiet tat-tagħmiru l-valutazzjoni tar-renidment tagħhom.

3.7

Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tal-KESE għandhom jitqiesu għadd ta' fatturi li għandhom l-istess importanza u rilevanza fil-Ftehim Internazzjonali dwar il-Klima sal-2015.

3.8

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu promossi s-sħubijiet pubbliċi privati fil-livell Ewropew, bħal dak imniedi b'impriża konġunta għall-Inizjattiva Sema Nadif 2 2014-2020, bil-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tat-trasport bl-ajru u tikkontribwixxi għall-attività ta' riċerka tar-regolament KE 71/2008 u l-Programm Qafas Orizzont 2020.

4.   Kummenti speċifiċi (I)

4.1   Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila

4.1.1

Il-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila, konkluża taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE), hija l-qafas legali internazzjonali prinċipali għall-kooperazzjoni u għall-miżuri biex jitrażżan u gradwalment jitnaqqas it-tniġġis tal-arja permezz tat-tmien protokolli tiegħu fosthom il-Protokoll tal-1999.

4.1.2

Il-KESE jaqbel li l-modifiki għall-Protokoll għandhom jiġu trasposti fil-liġi tal-UE.

4.2   Il-proposta ta' Direttiva riveduta dwar il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet NERC

4.2.1

Il-proposta għal Direttiva tistabbilixxi impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet (NERCs) għall-2020, l-2025 u l-2030, għal kull Stat Membru f'perċentwali ta' tnaqqis tal-emissjonijiet annwali tad-diossidu tal-kubrit (SO2), l-ossidi tan-nitroġenu (NOX), l-ammonijaka (NH3), il-komposti organiċi volatili (VOC) mhux metaniċi, il-materja partikolata fina (PM 2,5) u l-metan (CH4), meta mqabbla mal-emissjonijiet totali ta' kull wieħed minn dawn l-inkwinanti minn kull Stat Membru fl-2005.

4.2.2

F'dawn l-aħħar 20 sena, fl-UE ġie reġistrat progress konsiderevoli fl-ambitu tal-kwalità tal-arja u tal-emissjonijiet antropoġeniċi fl-arja, bis-saħħa ta' politiki u strateġiji dwar it-tniġġis tal-arja adottati mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha bil-għan fit-tul li jinkiseb livell tal-kwalità tal-arja li ma jkollux effetti negattivi jew perikli kbar fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kif ġie stabbilit fis-VII Programm ta' Azzjoni għall-Ambjent (2).

4.2.3

Dan jidher ċar anke jekk kien hemm tnaqqis ċar fir-ritmu ta' dawn il-progressi, fl-ambitu tal-kwalità tal-arja u l-għanijiet li qed jiġu proposti bħalissa huma filfatt inqas ambizzjużi mil-livelli li l-Istati Membri jiksbu bl-applikazzjoni sħiħa tal-obbligi previsti mir-regoli attwali tal-UE.

4.2.4

Jekk l-għanijiet kwalitattivi fuq terminu twil proposti huma prattikament indiskussi, il-Kumitat huwa dispjaċut li l-għanijiet għall-2025 mhumiex vinkolanti, minħabba fir-rikonoxximent tad-diffikultà li jiġu rispettati l-istandards attwali b'mod prattiku.

4.2.5

Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn ta' pjattaformi msaħħa, biex jinħoloq djalogu speċifiku u interattiv, ħalli jiġu kunsidrati d-dispożizzjonijiet li hemm fil-proposta ta' Direttiva.

4.3   Proposta ta' Direttiva dwar l-emissjonijiet minn impjanti b'kombustjoni medja

4.3.1

Fil-fehma tal-KESE, l-estensjoni tal-kontroll tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja minn impjanti b'kombustjoni li għandha qawwa ta' sħana nominali bejn 1 u 50MW, li jintużaw f'għadd wiesgħa ta' applikazzjonijiet trid titwettaq bi proċeduri simplifikati u li m'humiex ta' piż, ħalli l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju kif ukoll l-infrastrutturi ta' daqs żgħir mifruxa fuq it-territorju jiġu appoġġjati u promossi.

5.   Kummenti speċifiċi (II)

5.1

L-emissjonijiet li jniġġsu l-arja jista' jkollhom diversi sorsi u jinġarru distanzi twal.

5.2

Biex il-Programm “Arja Nadifa għall-Ewropa” jitwettaq b'mod sħiħ, hemm bżonn li r-reġjuni, wara l-konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata, jgħaddu biex jabbozzaw u japprovaw il-Pjani ta' Azzjoni għall-Kwalità tal-Arja (Pjani ta' Azzjoni), li fihom jridu jitqiesu fuq kollox:

it-trasport fit-toroq, marittimu u tal-ajru u l-mobbiltà;

il-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija;

is-sistema tal-produzzjoni;

is-settur terzjarju;

l-attivitajiet agrikoli, it-trobbija tal-bhejjem u s-settur tal-foresti;

is-settur privat;

5.3

Il-Pakkett “Arja Nadifa” mniedi mill-Kummissjoni jdur lura għall-politiki li ġew żviluppati s'issa u jsaħħaħhom, biex ikompli bil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja, u dan imur kontra t-tendenza tal-aġenda politika.

5.3.1

Fil-fehma tal-KESE hemm bżonn li l-livelli reġjonali u lokali jipparteċipaw mal-livell nazzjonali, f'dan il-proċess, flimkien mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata.

5.4   Proposti għall-pjani tat-traspożizzjoni tal-Pakkett Arja Pulita fil-lokal

5.4.1

It-traspożizzjoni tal-Pakkett Arja Pulita fil-lokal trid tidentifika s-sinerġiji meħtieġa mal-pjani differenti:

skart, l-irkupru tal-enerġija, it-tnaqqis tal-produzzjoni per capita, l-irkupru tal-materjali;

trasport u mobbiltà, l-iżvilupp tat-trasport pubbliku, il-mogħdijiet għar-roti, il-promozzjoni tal-mobbiltà b'emissjonijiet baxxi tas-CO2, l-integrazzjoni tal-mezzi tat-trasport, in-navigazzjoni marittima u tal-ajru;

ġestjoni tal-art u dik urbanistika, il-konsum tal-art, l-iżvilupp ta' mudelli ġodda ta' abitazzjoni, ir-rikonverżjoni tal-bini;

agrikoltura u trobbija tal-annimali, l-enerġija mill-injam (sorsi lokali), il-bijomassa u l-bijogass, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka, il-bjar tas-CO2;

industrija, l-iżvilupp teknoloġiku b'impatt baxx fuq l-ambjent, l-innovazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità (ISO 14  000 u Emas), l-attenzjoni għad-disinjar ekokompatibbli, it-tikketti tal-kwalità ambjentali tal-prodotti, is-sistemi tal-amministrazzjoni tal-enerġija u l-konformità mar-regolamenti dwar il-konsum tal-muturi elettriċi;

5.4.2

Din it-traspożizzjoni fil-livell lokali imbagħad għandha tqis il-miżuri l-aktar urġenti, li huma marbutin mar-realtajiet ekonomiċi u produttivi lokali u jiżviluppaw regoli għall-ħruq tal-bijomassa flimkien ma' obbligi u inċentivi għat-tiġdid tal-flotta tal-karozzi.

5.5

Il-miżuri li jillimitaw l-emissjonijiet tal-SO2 (diossidu tal-kubrit) huma meħtieġa l-aktar fir-reġjuni fejn hemm livelli għoljin ta' kombustjoni industrijali u fejn hemm impjanti li jipproduċu l-enerġija u jipproċessaw il-karburanti.

5.6   Miżuri fl-agrikoltura

5.6.1

Fl-UE kollha, speċjalment fir-reġjuni agrikoli, hemm bżonn li jiddaħħlu miżuri li jnaqqsu l-NH3 (ammonijaka), l-N2O(ossidu nitruż), is-CH4 (metan) u l-VOC (komposti organiċi volatili) fuq l-eżempju ta' dawk li diġà jeżistu f'diversi Stati Membri. L-użu tal-fertilizzanti tan-nitroġenu u d-demel likwidu huma s-sorsi ewlenin (98 %) tal-emissjonijiet tal-NH3 li meta jirreaġixxi mal-SO2 u l-NO2 jifforma l-melħ tal-ammonju li huwa l-komponent ewlieni tal-materja partikolata.

5.6.2

Huma importanti ħafna: ir-rispett sħiħ tad-Direttiva tan-Nitrati (Direttiva 91/676/KEE); l-obbligu ta' għatu fuq il-bjar li jaħżnu d-demel, il-ħolqien ta' sistemi ta' riċiklaġġ, permezz tad-diġestjoni anaerobika, għall-produzzjoni tad-diġestat, b'karatteristiċi li jistgħu jitqabblu mal-fertilizzanti artifiċjali, ġestjoni tajba tad-demel u tat-tixrid tad-demel likwidu li joħroġ minnu li huwa ħażin għas-saħħa. Madanakollu, il-miżuri għandhom iqisu l-bilanċ bejn l-interessi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. It-tnaqqis tal-emmissjonijiet fl-agrikoltura huwa kumpless ħafna, għaldaqstant hemm bżonn iktar finanzjamenti għar-riċerka u l-iżvilupp

5.6.3

Hemm bżonn li jiġu użati mezzi agrikoli b'emmissjonijiet baxxi tal-materja partikolata.

5.6.4

Il-KESE jenfasizza li fis-settur diġà hemm għadd ta' dispożizzjonijiet li għad iridu jiġu implimentati għalkollox u jtenni l-konvinzjoni tiegħu li l-Kummissjoni tilfet l-opportunità li tistabbilixxi qafas regolatorju konsokidat li jiddixxipplina l-emissjonijiet li jiġu mill-agrikoltura. It-trobbija tal-baqar għada barra mill-ambitu tal-applikazzjoni f'din il-komunikazzjoni. Madanikollu hemm regoli oħra li jirrigwardaw l-ispeċi tal-baqar li huma l-akbar kontribwent għall-emissjonijiet tal-ammonijaka.

5.7   Miżuri fiċ-ċentri Urbani

5.7.1

Fil-konglomerazzjonijiet Urbani u ż-żoni b'ħafna traffiku trid tingħata attenzjoni partikolari lill-emissjonijiet tal-PM 2,5; PM 10 (materja partikolata fina b'dijametru iżgħar minn 10 mikrometri) i-CO u s-CO2 (monossidu u diossidu tal-karbonju) u t-tnaqqis tal-NOX. Il-filtri kontra l-materja partikolata fil-magni diesel u filtri sperimentali anke għall-magni bil-petrol kapaċi jilħqu grad ta' effiċjenza ogħla minn 90 % (filtri b'ċiklu magħluq) fit-tnaqqis tal-emissjonijiet.

5.7.2

Fil-bini tal-iskejjel u uffiċini, li jinsabu fuq toroq b'ħafna traffiku, huwa importanti ħafna li jsiru xogħolijiet ta' iżolament tal-ħitan vertikali opaki u trasparenti li jillimitaw it-tniġġis mill-VOC u l-materja partikolata fina (PM10 u PM 2,5) (3).

5.8   Miżuri fit-trasport fil-livelli differenti – lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE:

5.8.1

Fil-vetturi kummerċjali u dawk għat-trasport tal-persuni, għandhom jiġu previsti s-sostituzzjoni tal-vetturi Euro 3 b'dawk Euro 5 u 6 billi tiġi limitata ċ-ċirkolazzjoni u permezz tal-inċentivi. Bl-istess mod għandhom jiġu sostitwiti il-magni b'żewġ taħrikiet (two stroke) (muturi, mopeds, lupi u magni tal-ħsad), Euro 1. Sadattant hemm bżonn li, fid-diversi livelli lokali, reġjonali u nazzjonali:

5.8.1.1

Kemm jista' jkun malajr, fil-livell Komunitarju u nazzjonali, jiġu adottati mingħajr ma wieħed jistenna l-iskadenza tal-2017 – metodi adatti ta' kejl tal-emissjonijiet tal-NOx minn karozzi ħfief bid-diesel, fid-dawl tal-effetti negattivi kbar li għandhom fuq il-kwalità tal-arja urbana.

5.8.1.2

Fil-livell nazzjonali u reġjonali, tiġi appoġġjata d-diffużjoni tal-metan u tal-LPG (Gass likwifikat miż-żejt) idroġenu, Gass Naturali Likwidu, Etanol u bijokarburanti oħra avvanzati. Jitħaffef l-iżvilupp tal-mobbiltà elettrika u l-infrastruttura tal-iċċarġjar elettriku. Għandu jkun possibbli li l-klassi tal-emissjonijiet tal-vetturi tiġi identifikata permezz ta' dispożittiv elettroniku li jkollhom installat.

5.8.1.3

Id-distribuzzjoni tal-gass metan għandha tissaħħaħ permezz ta' appoġġ finanzjarju – fil-livell tal-UE u dak nazzjonali u lokali – lill-intrapriżi u l-kunsilli lokali li joħolqu netwerks ġodda jew isaħħu dawk li jeżistu.

5.8.1.4

L-investiment fit-trasport pubbliku lokali, permezz ta' proġetti pluriennali tal-UE, kofinanzjati fil-livell lokali u nazjonali, għandu jiġi finanzjat. Il-karozzi tal-linja għandhom ikunu:

ekoloġiċi u jaħdmu b'karburanti alternattivi;

jużaw propulsjoni ibrida bimodali;

elettriċi (kompletament elettriċi b'batterija li tinġarr) u li jkunu mgħammra b'sistemi taċ-ċarġjar jew ma' plakka jew b'sistema ta' induzzjoni (Faraday).

5.8.1.5

Għandhom jiġu sfruttati l-potenzjalitajiet interattivi bejn l-istrutturi fissi, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-modalitajiet tat-trasport. B'mod partikolari, għandu jiġi appoġġjat l-użu ta' materjali li fihom sustanzi fotokatalitiċi b'nanopigmenti tad-diossidu tat-titajnu (TiO2) li hekk kif jaqsmu l-molekoli b'sustanzi li jniġġsu jagħmluhom inokwi għas-saħħa (toroq, barrieri għat-traffiku, xogħolijiet ta' kisi jew xogħolijiet oħra ta' kostruzzjoni). F'dan ir-rigward huma ta' interess it-toroq li jwasslu għall-awtostradi b'kisja brevettata i.active COAT-Italcementi, li jnaddfu l-arja u huma retrorifletturi b'luminożità qawwija.

Brussell, 10 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2013) 918 final.

(2)  COM(2012) 710 final.

(3)  Ara l-Istandard EN 15242:2007Ventilation for buildings – Calculation methods for the determination of air flow rates in buildings including infiltration.


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/142


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi”

COM(2014) 32 final – 2014/0014 (COD)

(2014/C 451/23)

Relatur:

is-Sur KIENLE

Nhar is-6 ta' Frar 2014 u nhar id-19 ta' Frar 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi

COM(2014) 32 final – 2014/0014 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'mod unanimu b'185 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta' qafas legali u finanzjarju għall-iskemi ta' frott u ħalib fl-iskejjel tal-UE, li sa issa kienu mmexxija u finanzjati separatament.

1.2

Il-KESE jilqa' b'mod partikolari l-fatt li tpoġġiet iktar enfasi fuq appoġġ pedagoġiku għall-iskema. Jekk jiġi realizzat il-potenzjal sħiħ tagħha, ikun jista' jingħata kontribut sinifikanti fil-ġlieda kontra l-obeżista fost it-tfal u l-ħela tal-ikel.

1.3

Il-KESE jistenna armonizzazzjoni sostanzjali fil-livell tal-amministrazzjoni u l-organizzazzjoni; l-Istati Membri għandhom jingħataw biżżejjed spazju għall-prijoritajiet u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom.

1.4

Il-KESE jirrakkommanda li tingħata preferenza ċara lill-prodotti sostenibbli Ewropej li huma kemm jista' jkun friski, staġjonali u reġjonali/lokali.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fil-passat ġew stabbiliti separatament skemi Ewropej differenti fl-iskejjel. Filwaqt li l-għan oriġinali tagħhom kien li jippromovu l-bejgħ, illum il-ġurnata l-enfasi hija fuq dietà tajba għat-tfal. L-iskema tal-ħalib fl-iskejjel ġiet introdotta fl-1977 bħala parti mill-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni għall-ħalib. S'issa ħadu sehem fiha kull sena madwar 20 miljun tifel u tifla. L-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel oriġinat bħala impenn politiku fil-kuntest tar-riforma tal-2007 tal-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni għall-frott u l-ħaxix u minnha bbenefikaw 8,6 biljun tifel u tifla. Minkejja li għandhom objettivi u gruppi fil-mira simili, l-iskemi kienu soġġetti għal kundizzjonijiet legali u finanzjarji differenti u tfasslu u ġew implimentati b'mod differenti. L-użu tal-iskemi jvarja b'mod konsiderevoli fl-Istati Membri u l-ebda waħdha minnhom ma laħqet il-potenzjal sħiħ tagħha.

2.2

B'rispons għall-kritika ċara tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u wara valutazzjoni dettaljata taż-żewġ skemi u l-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni Ewropea issa qed tipproponi qafas legali u finanzjarju komuni għall-provvista tal-frott, il-ħaxix u l-ħalib għat-tfal tal-iskola. Dan għandu jindirizza d-difetti u n-nuqqasijiet attwali. Fuq kollox ser jiġi enfasizzat iktar l-aspett pedagoġiku tal-iskema.

2.3

L-iskema l-ġdida ser tiġi finanzjata mill-baġit miżjud tal-politika agrikola komuni 2020 allokat għall-iskemi għall-iskejjel jiġifieri baġit annwali ta' EUR 230 miljun (EUR 150 miljun għall-iskema tal-frott għall-iskejjel u EUR 80 miljun għall-iskema tal-ħalib għall-iskejjel).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jappoġġja ferm skemi sussidjati mill-UE għall-provvista tal-prodotti agrikoli għat-tfal u l-adolexxenti fl-iskejjel. Huwa jfakkar li kien oppona bis-sħiħ il-pjan tal-Kummissjoni fl-1999 li tirtira l-kontribut tal-UE fl-iskema tal-ħalib għall-iskejjel.

3.2

Il-KESE jenfasizza kemm hija importanti dietà bilanċjata għat-tfal u t-tfal tal-iskola. Il-faqar li żdied b'riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika huwa fattur ta' riskju sinifikanti f'termini tad-dietà tat-tfal u l-adolexxenti. Numru allarmanti ta' tfal imorru l-iskola kuljum mingħajr fatra. Kemm iż-żieda fl-obesità kif ukoll il-ħela tal-ikel huma sfidi soċjali serji.

3.3

Il-KESE jispera li, minkejja li l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri hija volontarja, din l-iskema l-ġdida għall-iskejjel tiġi implimentata u realizzata b'mod sħiħ fl-Istati Membri kollha. Il-KESE kunfidenti li dan ser iżid l-ammont ta' frott, ħaxix u ħalib fid-dieti tat-tfal.

3.4

Il-KESE jilqa' b'mod partikolari l-enfasi miżjuda fuq l-appoġġ pedagoġiku mill-UE. Dan konformi mar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-KESE. L-Istat, kif ukoll l-iskejjel, il-ġenituri, in-negozji agrikoli tal-ikel, is-soċjetà ċivili u l-mezzi ta' komunikazzjoni għandhom iqisuh id-dmir ċiviku tagħhom, u li fih jista' jikkontribwixxi kulħadd, li jgħinu lit-tfal tal-iskola jintegraw drawwiet ta' dietà tajba u fehim tal-katina tal-provvista agrikola u tal-ikel.

3.5

L-għalliema għandhom importanza kruċjali sabiex din l-iskema tirnexxi u qed jiżdiedu dawk fosthom li huma kuntenti bi skemi bħal dawn u huma interessati u impenjati fihom. Motivazzjoni patikolari għalihom tista' tkun l-appoġġ addizzjonali għall-iskemi permezz ta' kontribuzzjonijiet nazzjonali jew sponsors u gruppi tas-soċjetà ċivili. Il-gruppi tas-soċjetà ċivili huma utli b'mod partikolari fejn jidħlu kwistjonijiet soċjali kontroversjali. Il-KESE jappoġġja għalhekk dawn il-proġetti pilota tal-Kummissjoni għal gruppi soċjali żvantaġġati u vulnerabbli.

3.6

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ukoll il-proposta għal iktar opportunitajiet li jżidu l-informazzjoni dwar is-settur agrikolu u tal-ikel lokali inkluż il-prodotti, ix-xogħol u l-benefiċċji soċjali pereżempju permezz tal-ħolqein ta' ġonna fl-iskejjel, żjajjar tal-iskejjel, attivitajiet ta' tidwiq tal-ikel fl-irziezet u f'workshops jew testijiet tan-nutrizzjoni. Il-KESE jqis l-appoċċ li jsegwu xi Stati Membri fejn il-bdiewa jwasslu l-ħalib direttament fl-iskejjel u b'hekk huma f'kuntatt kontinwu mat-tfal bħala mudell eżemplari.

3.7

Huwa jilqa' wkoll spazju għal diskussjonijiet dwar prodotti agrikoli bħaż- żejt taż-żebbuġa jew l-għasel, kif ukoll kwistjonijiet marbuta ma' agrikoltura organika. L-istess jgħodd għal kwistjonijiet marbuta mal-ambjent jew il-ħela tal-ikel. Il-KESE jirrakkomanda li l-miżuri ta' appoġġ jiġu evalwati fi stadju bikri ħafna.

3.8

Skema tal-UE għall-iskejjel tista' tkun ta' suċċesss jekk tiġbor fiha l-karatteristiċi nazzjonali u reġjonali, iċ-ċentri tal-kura tat-tfal u l-iskejjel, l-istennijiet tat-tfal u tal-ġenituri. Il-konsultazzjonijiet għamluha ċara li burokrazija amminsitrattiva jew organizzattiva eċċessiva huma fastidju komuni jew saħansitra raġuni għalfejn skola tiddeċieda li ma tkomplix tipparteċipa fi skema partikolari. Għalhekk importanti għall-KESE li l-arranġamenti prattiċi għall-iskema l-ġdida jinkludu sinerġiji ċari. L-iskejjel, l-intrapriżi u l-awtoritajiet involuti għanhom jiffaċċjaw inqas burokrazija amministrattiva u organizzattiva.

3.9

Il-KESE jemmen li d-dispożizzjoni għal fondi żejda għall-loġistika u t-tagħmir bħal biex jinżamm kiesaħ l-ikel frisk, hija tajba u importanti.

3.10

Il-KESE jaqbel li l-provvista tal-frott u l-ħaxix, inluż il-banana u l-ħalib tiġi sussidjata bħala parti mill-iskema għall-iskejjel. Il-KESE huwa kritiku fir-rigward tal-limitazzjoni tal-iskema għall-ħalib tax-xorb biss u jemmen li għandha tinkludi prodotti oħra tal-ħalib b'kunsiderazzjonijiet ta' dietà u oħrajn pedagoġiċi. Il-KESE jispera ferm li tingħata prijorità lill-prodotti Ewropej friski u sostenibbli tal-ikel. Sa fejn huwa possibbli, il-prodotti u l-attivitajiet fl-iskema għandu jkollhom bażi staġjonali u reġjonali jew jaqgħu taħt it-tikketti tal-UE ta' denominazzjoni protetta ta' oriġini (DPO) jew indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP).

Brussell, 9 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/145


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Politika u l-Governanza tal-Internet – Ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal-Governanza tal-Internet”

COM(2014) 72 final

(2014/C 451/24)

Relatur:

is-Sur Longo

Nhar is-7 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Politika u l-Governanza tal-Internet – Ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal-Governanza tal-Internet

COM(2014) 72 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’180 vot favur, 8 voti kontra u 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-ewwelnett, il-KESE jixtieq itenni l-fehmiet tiegħu espressi f'diversi opinjonijiet fl-aħħar snin dwar l-importanza tal-internet bħala prerekwiżit essenzjali għal tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi, innovazzjoni teknoloġika u inklużjoni soċjali.

1.2

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ max-xewqa tal-Kummissjoni biex tiġi affermata mill-ġdid b'mod qawwi d-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi, kif ukoll il-kunċett legali ta' netwerk uniku, soġġett għal regoli Komunitarji uniformi bħal f'setturi oħrajn, u mhux ifframmentat minn regoli differenti u li potenzjalment imorru kontra xulxin.

1.3

Huwa importanti li l-valuri ewlenin tal-internet jitqiegħdu fil-qalba tal-governanza futura tagħha, jiġifieri n-natura miftuħa u distribwita tagħha, kif ukoll in-newtralità u l-aċċessibilità universali tagħha, u li hija aċċessibbli għal kulħadd bi ftit ostakli. Il-KESE jinnota, madankollu, li l-komunikazzjoni ma tagħtix definizzjoni ċara biżżejjed kemm tal-kunċett ta' governanza korporattiva, li għaliha l-UE għandha tikkontribwixxi, kif ukoll tal-istrumenti u l-modalitajiet li huma maħsuba biex jiggarantixxu l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-internet ta' partijiet interessati multipli. B'mod partikolari, għandu jiġi kjarifikat iktar min huwa responsabbli għall-monitoraġġ tal-governanza tal-internet.

1.4

Fir-rigward tar-rwol attwali tal-ICANN li wasal biex jintemm, u l-funzjonijiet tal-IANA, il-Kumitat jaħseb li l-Kummissjoni għandha tindirizza bir-reqqa l-kwistjoni tar-rwol tal-UE fl-entità transnazzjonali futura.

1.5

Sabiex tikber il-fiduċja fl-Internet, ċertament li l-Habeas Corpus diġitali għandu jikkontribwixxi, b'deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fil-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet għal suq uniku Ewropew tat-telekomunikazzjoni.

1.6

L-għażla tal-istandards tekniċi tista' tħalli impatt importanti fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, fosthom il-libertà tal-espressjoni, il-protezzjoni tad-data personali u s-sikurezza tal-utenti, kif ukoll l-aċċess għall-kontenut. Sa mill-bidu nett tiegħu, l-Internet ġie żviluppat b'mod li jappoġġja bis-sħiħ id-drittijiet taċ-ċittadini. It-theddid għal dawn id-drittijiet kien ikkaġunat minn miżuri governattivi u minn operaturi ta' siti elettroniċi li l-kontroll tagħhom huwa indipendenti min-netwerk. Minkejja dan, xorta waħda jkun tajjeb li jinħarġu rakkomandazzjonijiet li jiżguraw li dawk l-għażliet tekniċi jkunu konformi mad-drittijiet tal-bniedem.

1.7

F'dak li jirrigwarda l-aspetti legali tal-internet, il-Kumitat jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi reviżjoni tar-riskji, fil-livell internazzjonali, ta' kunflitti bejn il-liġijiet u l-ġurisdizzjonijiet, li ta' sikwit huma aggravati minn awtoritajiet regolatorji indipendenti speċifiċi.

1.8

Il-KESE jinnota li l-Komunikazzjoni ma tagħmel l-ebda referenza għal numru ta' kwistjonijiet tekniċi u operattivi li huma ta' tħassib għall-Kumitat. Il-kwistjonijiet ewlenin huma:

il-kapaċita futura tal-Internet, fid-dawl tat-tkabbir esponenzjali tat-traffiku u n-nuqqas ta' ppjanar organizzat tal-kapaċità;

in-newtralità tan-netwerk, li hija rikonoxxuta bħala fundamentali għall-Aġenda Diġitali;

il-metodoloġija tal-magni tat-tiftix u l-preżentazzjoni tar-riżultati, li huma kwistjonijiet ta' tħassib kbir.

1.9

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-inklużjoni. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għal governanza globali tal-internet trid tinkludi l-promozzjoni ta' politiki ta' inklużjoni tal-ICT, sabiex titwitta t-triq għal soċjetà tabilħaqq inklużiva (ara d-Dikjarazzjoni ta' Riga (2006) li ħarġet fil-periferiji tal-konferenza ministerjali dwar “ICT għal soċjetà inklużiva”, li tinkludi sensiela ta' impenji biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta' ICT għall-anzjani u fil-qasam tal-aċċessibilità elettronika fl-UE). L-Internet huwa inklużiv minnu nnifsu u dan il-prinċipju huwa mħaddan fil-karta tal-ICANN. Fil-fatt l-aċċess huwa kkontrollat mill-Provvedituri tas-Servizz ta' Komunikazzjonijiet (CSP) u l-Provvedituri tas-Servizz tal-Internet (ISP), li huma regolati mill-amministrazzjonijiet nazzjonali. Ir-responsabbiltà għall-inklużività hija ta' dawn ir-regolaturi u tal-UE, permezz tal-Kummissjoni tal-UE.

1.10

Fl-aħħar nett, il-KESE jittama li l-IGF jissaħħaħ dejjem iżjed bħala l-post fejn jiltaqgħu il-partijiet kollha interessati fl-internet. L-UE għandha taqdi rwol ewlieni ta' tmexxija fl-IGF li jmiss f'Istanbul f'Settembru, b'azzjoni konġunta mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-Internet huwa fenomenu b'ħafna aspetti u bl-ebda kontroll globali. Dawn huma l-elementi l-iżjed importanti:

(a)

L-Internet huwa definit bħala netwerk ta' netwerks. Kull netwerk huwa awtonomu u hemm ħafna kumpaniji pubbliċi. Mingħajr l-ebda pjan globali biex jiġi akkomodat it-tkabbir esponenzjali tat-traffiku tal-Internet, in-netwerks fiżiċi aktarx jirrappreżentaw l-ikbar vulnerabilità tal-Internet, b'implikazzjonijiet profondi għall-iżvilupp tas-soċjetà globali.

(b)

L-amministrazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominju (.com) u indirizzi IP ġestiti fuq bażi devoluta mill-ICANN – Internet Corporation for Assigned Names and Numbers – ibbażata f'California. L-involviment fil-ġestjoni mill-ICANN huwa l-element ċentrali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

(c)

L-istandards u l-protokolli tal-World Wide Web huma żviluppati mill-Konsorzju tal-World Wide Web (W3C) filwaqt li l-Internet Engineering Task Force (IETF) tagħmel l-istess ħaġa għall-Internet.

(d)

Il-Provvedituri tas-Servizz tal-Internet jirreġistraw l-utenti u jagħtuhom aċċess għall-Internet.

(e)

Il-browsers (bħall-Internet Explorer) u l-magni tat-tiftix bħalll-Google jippermettu l-użu tal-Web). Uħud minn dawn is-servizzi taw prova li huma kontenzjużi ħafna.

(f)

Is- servizzi ta' netwerking soċjali bħall-Facebook u Twitter qdew rwol ċar f'irvelli ċivili u l-ġlieda għal libertajiet ċivili f'ħafna pajjiżi.

(g)

Is-servizzi tal-Cloud Computing u ta' streaming ta' midja qed imexxu t-tkabbir tat-traffiku tal-Internet. Netflix (vidjo fuq talba), li għandu bżonn veloċitajiet għoljin għal downloading, ipprovoka d-dibattitu dwar in-newtralità tan-netwerk fl-Istati Uniti.

(h)

L-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu ottimizzati l-benefiċċji u jitnaqqsu l-iżvantaġġi tal-Internet jipprovdu l-bażi għall-Aġenda Diġitali tal-UE. Barra milli tixpruna l-ekonomija Ewropea tal-Internet, tindirizza wkoll is-sigurtà ċibernetika, il-kriminalità ċibernetika, il-protezzjoni tad-data, il-distakk diġitali, l-appoġġ għall-persuni b'diżabilità u dawk żvantaġġati, eċċ. F'ħafna modi, l-Aġenda Diġitali tal-UE hija iżjed eżerċizzju ta' governanza tal-UE milli governanza tal-Internet, anke jekk tinkorpora l-azzjonijiet l-iżjed importanti meħtieġa biex l-Ewropa takkwista l-aħjar mill-Internet.

3.   Kontenut tal-Komunikazzjoni

3.1

Il-Kummissjoni fasslet sensiela ta' linji gwida biex jifformaw il-bażi għal viżjoni Ewropea komuni għall-governanza tal-internet, li se ssaħħaħ ir-rwol tal-UE fl-iżvilupp tal-internet, bħala pilastru fundamentali tas-suq uniku diġitali u mutur tal-innovazzjoni u tat-tkabbir ekonomiku, kif ukoll tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni tixtieq tafferma mill-ġdid il-linji gwida stabbiliti fil-komunikazzjoni preċedenti tagħha fl-2009 (1), u ssaħħaħ il-mudell ta' partijiet interessati multipli.

3.2

Biex jiġi kkumpensat il-fatt li m'hemm l-ebda kontroll globali, twaqqaf Forum dwar il- Governanza tal-Internet (IGF) taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti. L-evoluzzjoni ta' dan il-Forum hija t-tieni suġġett tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Minħabba l-interess fl-IGF u l-ambizzjoni għal involviment fil-kontroll tal-ICANN, huwa diffiċli li tiġi evitata l- konklużjoni li din il-Komunikazzjoni hija dwar il-kontroll politiku tal-Internet. Il-KESE huwa tal-fehma li r-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet tekniċi u operattivi ta' governanza, bħal dawk imsemmija fil-punti (a),(e) u (g) hawn fuq, ukoll jeħtieġu attenzjoni u azzjoni.

3.3

Il-viżjoni Ewropea hija msejsa fuq għadd ta' prinċipji komuni tal-UE bħad-difiża tad-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi (kif inhuma mħaddna fid-Dikjarazzjoni Universali tad- Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il- Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal- Unjoni Ewropea), u l-promozzjoni ta' netwerk uniku u mhux ifframmentat, fejn jittiedħu deċiżjonijiet abbażi ta' prinċipji bħat-trasparenza, ir-responsabbiltà, u l-inklużività tal-partijiet interessati rilevanti kollha. Fost l-atturi msemmija speċifikament fil-komunikazzjoni, li magħhom irid ikun hemm kooperazzjoni ta' livell għoli huma l-IGF (Internet Governance Forum) (korp li ħareġ mis-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (World Summit on the information Society – WSIS), li ġie promoss min-NU fir-Riżoluzzjoni 56/183 (21 ta' Diċembru 2001)), l-ICANN (Internet Corporation for Assigned Names and Numbers) u l- IANA (Internet Assigned Numbers Authority).

3.4

L-approċċ tal-Kummissjoni għall-governanza tal-Internet huwa sintesizzat fl-akronimu COMPACT: l-internet bħala spazju ta' responsabbiltajiet ċiviċi (Civic responsibilities), riżorsa waħdanija mhux ifframmentata (One unfragmented resource) rregolata permezz ta' approċċ ta' partijiet interessati multipli (Multistakeholder approach) sabiex jiġu promossi d- demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem (Promote democracy and human rights), abbażi ta' arkitettura teknoloġika soda (sound technological Architecture) li tħeġġeġ il-fiduċja (engenders Confidence) u tiffaċilita governanza trasparenti (Transparent governance), kemm tal-infrastruttura bażika tal-internet, kif ukoll tas-servizzi li jaħdmu fuqha. Dan l-approċċ huwa msejjes fuq l-aġenda ta' Tunis dwar is-Soċjetà tal-Informazjzoni (18 ta' Novembru 2005): iżda sfortunatament il-prinċipji li ħarġu minn dik l-aġenda ma jidhirx li ġew aċċettati globalment, u minflok ġew appoġġjati minn pajjiżi individwali u biss f'żoni ġeografiċi limitati (pereżempju, Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-OECD dwar prinċipji għat-tfassil tal-politika dwar l-internet (2011) u d-Dikjarazzjoni ta' Deauville tal-G8 (2011).

3.5

Il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tipproponi:

Id-definizzjoni ta' sensiela koerenti ta' prinċipji ta' governanza tal-internet mal-partijiet interessati kollha.

L-appoġġ għall-IGF, b'definizzjoni ċara tar-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi.

Il-globalizzazzjoni tal-ICANN, b'kalendarju preċiż, u tal-funzjonijiet tal-IANA, b'garanzija ta' sikurezza u stabilità għas-sistema ta' ismijiet ta' dominju.

Il-bidu tal-2014 tal-attivitajiet tal-Osservatorju Globali tal-Politika tal-Internet (GIPO), li huwa għodda għall-komunità internazzjonali.

It-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fit-tfassil tal-politika Ewropea futura dwar il-governanza tal-internet.

Il-ħolqien ta' mekkaniżmi strutturali li jippermettu l-parteċipazzjoni f'deċiżjonijiet tekniċi, bil-għan li tiġi assigurata l-kompatibilità mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

It-tisħiħ tal-fiduċja fl-attività onlajn, b'referenza partikolari għall-ħarsien tad-data u s-sikurezza tan-netwerk u tal-informazzjoni.

Analiżi mill-ġdid tal-kunflitti fil-livell internazzjonali bejn il-liġijiet u l-ġurisdizzjonijiet li jinħolqu fuq l-internet.

4   Valutazzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

4.1

Il-Kummissjoni qed tipproponi t-twaqqif ta' viżjoni Ewropea komuni għall-governanza tal- Internet li se tippermetti lill-UE taqdi rwol ewlieni f'qasam ta' importanza kruċjali għall- ġejjieni, mhux biss ekonomikament, iżda wkoll mil-lat politiku u soċjali. Din hija deċiżjoni ta' importanza kbira f'termini tal-iżgurar ta' xprun b'saħħtu għall-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri, u l-konsolidazzjoni tal-prinċipji tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.

4.2

Governanza sostenibbli trid tkun imsejsa fuq sistema ta' partijiet interessati multipli, kif stipulat fl-Aġenda ta' Tunis, bl-involviment tal-gvernijiet, is-settur privat, is-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet intergovernattivi u internazzjonali u l-komunitajiet akkademiċi u tekniċi.

4.3   Approċċ imsejjes fuq il-prinċipji

4.3.1

L-ewwelnett, il-KESE jixtieq itenni l-fehmiet tiegħu espressi f'diversi opinjonijiet fl- aħħar snin dwar l-importanza tal-internet bħala prerekwiżit essenzjali għal tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi, innovazzjoni teknoloġika u inklużjoni soċjali. Il-KESE dejjem appoġġja b'mod sħiħ u b'entużjażmu s-soċjetà tal-informazzjoni, l-istrateġija Ewropa 2020 u l-aġenda diġitali. Ressaq ħafna proposti u xi kultant esprima fehmiet kritiċi.

4.3.2

L-objettiv għandu jkun li l-UE tkun attur ewlieni fl-iżvilupp tal-infrastruttura diġitali, u primarjament il-broadband ta' veloċità għolja aċċessibli għal kulħadd; fil-ħolqien ta' suq diġitali uniku b'ammont kbir ta' kuntenut Ewropew u bħala strument ta' inklużjoni; fit-tnaqqis tal-qasma diġitali permezz ta' litteriżmu diġitali mifrux ħafna; fit-tfassil tal-cloud computing Ewropew (2); u fit-tfassil ta' leġislazzjoni adatta li tipproteġi kontra l-kriminalità ċibernetika, l- invażjoni tal-privatezza, is-serq tal-identità u l-perikli għat-tfal u d-dritt li wieħed jintesa.

4.3.3

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ max-xewqa tal-Kummissjoni biex tiġi affermata mill-ġdid b'mod qawwi d-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi, kif ukoll il-kunċett legali ta' netwerk uniku, soġġett għal regoli Komunitarji uniformi bħal f'setturi oħrajn, u mhux ifframmentat minn regoli nazzjonali differenti u li potenzjalment imorru kontra xulxin. Din l-għażla titqies meħtieġa għall-ħolqien ta' żona unika Ewropea li tkun aċċessibbli, veloċi u sostenibbli għall-gvernijiet lokali, iċ-ċittadini, l- intrapriżi u l-organizzazzjonijiet u s-setturi mingħajr skop ta' qligħ (3).

4.3.4

F'dan ir-rigward, il-Kumitat jaqsam mal-Kummissjoni it-tħassib dwar il-ksur tal-prinċipju tal- libertà tal-espressjoni fit-Turkija billi ġew blokkjati n-netwerks soċjali mill-Aġenzija għall- informazzjoni, it-teknoloġija u l-komunikazzjoni tat-Turkija, kif ukoll fir-rigward ta' miżuri li jikkonċernaw il-libertà tal-espressjoni inklużi fil-pakkett ta' leġislazzjoni kontra t-terroriżmu adottat mill-Parlament Russu.

4.4   Qafas ta' governanza kooperattiva

4.4.1

Il-KESE jinnota li l-komunikazzjoni ma tagħtix definizzjoni ċara biżżejjed kemm tal- kunċett ta' governanza, li għaliha l-UE għandha tikkontribwixxi, kif ukoll tal-istrumenti li huma maħsuba biex jiggarantixxu l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-internet ta' partijiet interessati multipli, kif diġà ġara b'rabta mal-proposti ta' azzjoni inklużi fil- Komunikazzjoni “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (4). Fil-qafas ta' governanza ġenerali komuni, jistgħu jiġu definiti b'mod iżjed speċifiku l-livelli u l-modalitajiet.

4.4.2

Barra milli tirrimarka dwar l-esperjenzi pożittivi ta' pajjizi individwali tal-UE u li mhumiex fl- UE, il-Kummissjoni tippreżenta inizjattiva waħda biss: l-iżvilupp ta' pjattaforma tal- GIPO (inizjattiva pożittiva u importanti), bl-intenzjoni li tipproponi proposti prattiċi oħrajn wara r-riżultat ta' konsultazzjoni pubblika fil-futur qarib. Madankollu, speċifikament minħabba din il-komunikazzjoni, diġà saret konsultazzjoni wiesgħa, mingħajr ma kkontribwixxiet aktar sustanza għall-proposti fil-komunikazzjoni, u fuq kollox turi li l-korpi u l-partijiet interessati diversi ma tawhiex biżżejjed attenzjoni.

4.4.2.1

Il-Kummissjoni trid tiċċara iktar ir-rwol speċifiku u l-valur miżjud tal-UE stess, u x'qed jiġi mitlub mill-Istati individwali, anke fid-dawl tal-objettivi tal-Aġenda diġitali għall-Ewropa: u trid tiddefinixxi l-kompetenzi esklussivi u maqsuma, mhux l-inqas sabiex jiġu evitati rduppjar u kunflitti possibbli.

4.4.3

Il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha mhux qed jagħtu l-attenzjoni mistħoqqa u qed jissottovalutaw b'mod gravi din il-kwistjoni ta' importanza fundamentali għall-futur ekonomiku u soċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-KESE jistaqsi lill-Kummissjoni biex tintroduċi miżuri ta' inċentivar għall-gvernijiet, il-qasam tan-negozju u l-NGOs li jaħdmu biex jiddifendu d-drittijiet taċ-ċittadini, u b'mod partikolari l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, li ma ġewx imsemmija fil-komunikazzjoni.

4.4.4

F'dawn l-aħħar snin il-KESE fassal diversi opinjonijiet dwar l-Internet, u b'mod partikolari dwar l-Aġenda diġitali, u għandu jkun involut f'dawn l-azzjonijiet.

4.5   Globalizzazzjoni tad-Deċiżjonijiet fundamentali dwar l-internet

4.5.1

Aspett ieħor importanti jirrigwarda miżuri fil-livell internazzjonali li l-UE kollha kemm hi għandha tistabbilixxi, fir-rigward ta' governanza tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha u d-drittijiet taċ-ċittadini. Il-komunikazzjoni hija nieqsa minn referenzi speċifiċi dwar kif għandhom jinxterdu dawn l-inizjattivi fil-livell internazzjonali.

4.5.2

Dan huwa dejjem iżjed rilevanti jekk inqisu li meta kien hemm l-iskandlu ta' Datagate, ħarġet fid-dieher id-dgħufija tal-UE, li fis-summit ta' Brussell f'Ottubru 2013 naqset milli tipprovdi tweġiba kollettiva u b'saħħitha, u deheret maqsuma fuq il-palk internazzjonali.

4.6   Proċess multiparteċipattiv: il-globalizzazzjoni tal-icann

4.6.1

Il-KESE jinnota li huwa neċessarju qafas strateġiku. Filwaqt li l-governanza tal-internet ma tistax tibqa' f'idejn il-gvern tal-Istati Uniti, ir-reġim ġdid ta' partijiet interessati multipli jrid jiġi definit b'mod preċiż u jrid ikun rappreżentattiv b'mod ġenwin. Irid jinstab bilanċ ġust bejn l-istituzzjonijiet governattivi, il-kumpaniji l-kbar li jaġixxu fl-interess tal-azzjonisti, u l-NGOs li jirrappreżentaw liċ-ċittadini direttament.

4.6.1.1

Il-ħolqien ta' għodod tal-IT innovattivi bħal CIPO, huwa appoġġjat mill-KESE bħala riżorsa importanti disponibbli għall-komunità internazzjonali biex timmonitorja l-politiki ta' regolamentazzjoni dwar l-internet u t-teknoloġiji ġodda, u jippermetti komunikazzjoni bejn il-forums diversi. Dan jiffavorixxi l-ewwelnett dawk il-komponenti tas-soċjetà ċivili li għandhom riżorsi limitati.

4.6.2

Fir-rigward tal-ICANN u l-IANA, il-korp tekniku fl-aħħar ħabbar it-tnedija ta' proċess ta' ġestjoni globali, ta' partijiet interessati multipli, tal-funzjonijiet tekniċi assenjati lilu minn Settembru 2015, id-data tal-għeluq tal-kuntratt tiegħu mal-Gvern tal-Istati Uniti għall-ġestjoni ta' “domains” tal-ogħla livell tal-kodiċijiet tal-pajjiżi. Il-KESE jitlob biex il-Kummissjoni tiddikjara b'mod ċar x'rwol preċiż għandha taqdi l-UE fl-entità transnazzjonali futura, u tiġġustifika l-preżenza ta' rappreżentant tekniku u politiku fuq il-bord tal-ICANN ġdida.

4.6.3

Huwa importanti wkoll l-appoġġ tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-IGF, bħala post ta' dibattitu bejn il-partijiet interessati kollha kemm huma. Il-KESE jittama li l-UE taqdi rwol ewlieni ta' tmexxija fl-IGF li jmiss, li se jsir f'Istanbul f'Settembru, b'azzjoni konġunta u b'saħħitha mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili, u ttenni l-kontenut tal-komunikazzjoni.

4.7   Bini tal-fiduċja

4.7.1

Fil-livell intrakomunitarju huwa importanti li l-Kummissjoni tenfasizza b'mod korrett fil-komunikazzjoni l-ħtieġa biex titrawwem il-fiduċja fl-internet permezz ta' leġislazzjoni maħsuba biex issaħħaħ is-sigurtà, l-istabbiltà u l-affidibilità, bħar-riforma tal-qafas tal-protezzjoni tad-data u d-direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni.

4.7.2

Wara r-rapport mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern li ħareġ wara Datagate, il-Parlament Ewropew ġustament approva t-twaqqif ta' “Habeas Korpus Diġitali Ewropew li jipproteġi d-drittijiet fundamentali f'era diġitali” permezz ta' miżuri speċifiċi, bħala pjan ta' prijorità għal-leġislatura li jmiss.

4.7.3

Il-KESE se jsegwi b'attenzjoni kbira l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fil-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet dwar it-twettiq tas-suq uniku tat-telekomunikazzjoni (5).

4.8   Normi tekniċi li qed jifformaw l-internet

4.8.1

Aspett fundamentali jirrigwarda l-istandards tekniċi. In-natura miftuħa u transnazzjonali tal-internet tesiġi li d-definizzjoni ta' standards tekniċi titwettaq mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-aspetti ta' politika pubblika stabbiliti fil-livell tal-Istati individwali jew strutturi intergovernattivi reġjonali, iżda minflok permezz ta' tip ta' awtoregolamentazzjoni mill-komunità teknika, ikkoordinata biss okkażjonalment mill-istituzzjonijiet. L-impatt li dawn l-għażliet jista' jkollhom fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, fosthom dak tal-libertà tal-espressjoni, il-protezzjoni tad-data personali (inkluż id-dritt li wieħed jinstesa) u s-sigurtà tal-utenti, kif ukoll fuq l-aċċess għall-kontenut, ifissier li huwa essenzjali li jittieħdu għażliet ċari u jinħarġu rakkomandazzjonijiet li jiżguraw li dawk l-għażliet tekniċi huma kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem.

4.8.2

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu organizzati seminars ma' esperti internazzjonali fl-oqsma diversi ġuridiċi-soċjali, ekonomiċi u tekniċi, sabiex tiġi garantita l-koerenza bejn l-oqfsa legali attwali u t-tipi ġodda ta' definizzjoni għall-internet.

4.8.3

Mil-lat tal-kompetizzjoni u s-suq ħieles, trid tiġi indirizzata wkoll il-problema ta' sitwazzjoni fejn ftit algoritmi proprjetarji jeżerċitaw kontroll uniku fuq id-data personali, il-metadata u d-dħul mir-reklamar u d-dritt tal-awtur (6).

4.9   Kunflitti ta' ġurisdizzjonijiet u liġijiet

4.9.1

Fir-rigward tal-aspetti legali tal-internet, il-ħtieġa li jinħoloq suq uniku diġitali sal-2015 ġiet imtennija bis-saħħa mill-Kummissjoni u naturalment dan ma jistax isir mingħajr l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali u internazzjonali applikabbli għal tranżazzjonijiet onlajn. Il-Kumitat jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi reviżjoni tar-riskji, fil-livell internazzjonali, ta' kunflitti bejn il-liġijiet u ġurisdizzjonijiet, li ta' sikwit huma aggravati minn awtoritajiet regolatorji indipendenti speċifiċi.

4.9.2

Il-KESE jinnota li l-komunikazzjoni ma tagħmel l-ebda referenza għan-newtralità tan-netwerk, minkejja l-fatt li ġiet rikonoxxuta bħala aspett fundamentali tal-aġenda diġitali. Il-KESE jtenni il-fehmiet li esprima f'diversi opinjonijiet preċedenti; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-inizjattivi regolatorji li qed jiġu diskussi fl-Istati Uniti u “jirrakkomanda bis-sħiħ li l-prinċipji tal-internet miftuħ u n-newtralità tan-net jiddaħħlu b’mod formali fil-liġi tal-UE mill-aktar fis possibbli, dejjem fid-dawl tal-iżvilupp tat-teknoloġiji (l-aktar avvanzati) f’dan il-qasam” (7).

4.10   Internet inklużiv

4.10.1

Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza l-importanza ta' aspett fundamentali: l-inklużività. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għal governanza globali tal-internet trid tinkludi l-promozzjoni ta' politiki ta' inklużjoni tal-ICT, sabiex titwitta t-triq għal soċjetà tabilħaqq inklużiva (fl-2006, il-Ministri responsabbli għall-politika tal-inklużjoni elettronika tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-pajjiżi ta' adeżjoni u kandidati, pajjiżi tal-EFTA u pajjiżi oħra iffirmaw id-Dikjarazzjoni ta' Riga fil-periferiji tal-konferenza ministerjali dwar “ICT għal soċjetà inklużiva”; din tinkludi sensiela ta' obbligi biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta' ICT għal persuni anzjani u fil-qasam ta' aċċessibilità elettronika fl-UE.) Il-Kumitat iqis opportun l-inklużjoni fil-Komunikazzjoni tal-prinċipju li ICTs aċċessibbli u faċli li jintużaw jiġu rikonoxxuti bħala għodod essenzjali li jippermettu lil persuni b'diżabilitajiet jagħmlu użu ta' opportunitajiet kompleti u effettivi b'kundizzjonijiet indaqs.

Brussell, 10 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2009) 277 final.

(2)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 53-57; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9.; ĠU C 229, 31.7.2012, p. 1; ĠU C 161, 6.6.2013, p. 8; ĠU C 76, 14.3.2013, p. 59-65 .

(3)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 137.

(4)   ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58 .

(5)  ĠU C 177, 11.6.2014, p. 64.

(6)  (COM(2012) 573.

(7)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 139-145.


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/152


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: l-immaniġġar ta' riskji biex tinkiseb reżiljenza”

COM(2014) 216 final

(2014/C 451/25)

Relatur:

is-Sur Iuliano

Nhar it-8 ta' April 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea – Il-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: l-Immaniġġar ta' riskji biex tinkiseb reżiljenza

COM(2014) 216 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'103 voti favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jqis li huwa rilevanti ħafna u neċessarju li l-UE jkollha pożizzjoni fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru qabel ir-reviżjoni tal-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni fl-2015. Il-paralleli ma' inizjattivi oħra wara l-2015 fir-rigward tal-iżvilupp u tat-tibdil fil-klima jagħmlu din il-pożizzjoni iktar rilevanti.

1.2

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar ir-riskji u d-diżastri fil-pajjiżi tagħhom b'mod l-aktar diżaggregat possibbli, b'tali mod li jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal valutazzjoni aktar profonda u preċiża tas-sitwazzjoni f'dan il-qasam.

1.3

Il-KESE huwa konvint li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-fatturi sottostanti tar-riskju u l-kawżi profondi tad-diżastri. Fost dawn il-fatturi sottostanti hemm l-iżvilupp urban mhux ippjanat, il-vulnerabbiltà tal-ħajjiet fl-ambitu rurali u l-ekosistemi li sejrin lura.

1.4

Parti kbira mit-telf tan-nies u t-telfiet ekonomiċi relatati mad-diżastri hija konsegwenza ta' diżastri żgħar inqas frekwenti. Il-KESE jqis li l-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015 għandu jagħti aktar importanza għal dan ir-“riskju estensiv” filwaqt li barra minn hekk għandha tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-komunitajiet milqutin minn dawn id-diżastri.

1.5

Il-KESE jqis li għandhom jiġu analizzati aktar fil-fond l-impatti ekonomiċi u soċjali tad-diżastri u għandha tingħata aktar attenzjoni lil aspetti bħall-infrastruttura tal-produzzjoni.

1.6

Il-KESE jqis li l-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015 għandu jiżviluppa aktar dan l-approċċ ta' diversi perikli billi jinkorpora wkoll diżastri antropoġeniċi ħafna aktar milli ġew inkorporati s'issa.

1.7

Il-ġestjoni ta' riskji tad-diżastri għandha tkun ibbażata fuq l-approċċ imsejjes fuq id-drittijiet, waqt li tiffoka fuq il-bżonnijiet u d-drittijiet tal-gruppi u tal-persuni l-aktar vulnerabbli u tiġi enfasizzata u integrata d-dimensjoni tal-ġeneru.

1.8

Il-KESE jappoġġja li jiġu promossi approċċi ta' ġestjoni lokali tar-riskju billi jitħallew jipparteċipaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u l-komunitajiet normalment esklużi. Il-ġestjoni lokali tar-riskju għandha tkun inkorporata b'mod iżjed determinat.

1.9

Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru għandu jiġi wkoll rikonoxxut kemm fil-livell lokali kif ukoll f'dak internazzjonali.

1.10

Is-settur tan-negozji u dak privat għandhom jaqdu rwol rilevanti, u jinkorporaw it-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru fiċ-ċiklu produttiv kollu u jikkontribwixxu l-kapaċità tagħhom għall-innovazzjoni.

1.11

Minkejja li l-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015 il-ġdid għandu jibqa' volontarju, għandu jenfasizza r-responsabbiltà u t-trasparenza permezz ta' għadd ta' indikaturi aċċettati internazzjonalment. Dawn l-indikaturi għandhom imorru lil hinn mill-aspett tekniku u jinkludu l-aspetti soċjali.

1.12

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-mekkaniżmi ta' analiżi bejn il-pari stabbiliti minn diversi Stati Membri iżda jemmen li għandhom jiġu żviluppati fuq perjodu ta' żmien medju f'sistemi aktar esiġenti f'dak li jirrigwarda r-responsabbiltà.

1.13

Fir-rigward tal-finanzjament, il-KESE jemmen li għandha tiġi stabbilita indikazzjoni tal-persentaġġi minimi rakkomandabbli ta' finanzjament għall-miżuri tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru fil-politika tal-iżvilupp u umanitarja tal-UE.

2.   Kuntest

2.1

M'hemmx dubju li l-adozzjoni tal-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni (Hyogo Framework for Action – HFA) “Nibnu r-reżiljenza ta’ nazzjonijiet u komunitajiet għal diżastri” fl-2005 kienet importanti ħafna bħala approċċ għat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru. Il-fatt li dan ġie adottat minn 168 pajjiż juri bidla fil-perċezzjoni tal-komunità internazzjonali fil-konfront ta' ċirkustanzi dejjem aktar ta' tħassib.

2.2

Wara l-adozzjoni tal-HFA, l-UE integrat aspetti ta' tnaqqis tar-riskji ta’ diżastru u ta' ġestjoni ta' riskji f'ħafna politiki tal-UE kemm fil-pjan intern kif ukoll fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja u minkejja b'mod inugwali, il-progress kien sinifikanti.

2.3

Ir-reviżjoni tal-HFA fl-2015 hija wkoll opportunità għall-UE sabiex tirrevedi l-politiki tagħha f'dan il-qasam u tadattahom għas-sitwazzjoni internazzjonali ġdida u fl-istess ħin tikkontribwixxi għad-dibattitu internazzjonali dwar ir-riskji ta' diżastru u kif għandha tiġi indirizzata aħjar din is-sitwazzjoni.

2.4

Il-KESE jilqa' b'interess il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Il-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: l-Immaniġġar ta' riskji biex tinkiseb reżiljenza”; iqis li huwa partikolarment rilevanti għaż-żmien attwali u jixtieq jikkontribwixxi għal dan id-dibattitu billi jippreżenta l-proposti tas-setturi tas-soċjetà ċivili li jirrappreżenta.

2.5

Mill-adozzjoni tal-HFA fl-2005 'l hawn, it-tendenzi globali relatati mar-riskju ta' diżastri kkonfermaw żieda allarmanti fir-riskju u obbligaw lill-Istati, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lis-soċjetà inġenerali sabiex jerġgħu jiddefinixxu l-pożizzjonijiet tagħhom relatati mat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru.

2.6

Id-data kollha disponibbli attwalment turi li d-diżastri qegħdin jaggravaw, speċjlament dawk marbutin mal-perikli idrometeoroloġiċi kkawżati mit-tibdil fil-klima. Iżda hemm oħrajn ukoll kkawżati minn proċessi aċċellerati tal-urbanizzazzjoni, ġestjoni tat-territorju mhux adegwata, użu inadegwat tal-art u tar-riżorsi naturali kif ukoll żieda fl-espożizzjoni għal dawn il-perikli.

2.7

Evidentement, l-impatt tad-diżastri jvarja minn reġjun u pajjiż għal ieħor u t-telf tal-ħajjiet umani u t-telf ekonomiku jiddependu mil-livell ta' żvilupp. Iżda l-ebda pajjiż jew reġjun fid-dinja mhu ħieles minn dawn ir-riskji u d-data tal-aħħar għexieren ta' snin turi impatt għoli tad-diżastri kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll fl-Unjoni Ewropea.

2.8

Peress li l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli ser jiġu riveduti fl-2015 u kien hemm xi progress fid-diskussjonijiet dwar it-tibdil fil-klima, iridu jsiru sforzi sabiex tiġi żgurata konsistenza akbar fid-diversi pożizzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet li għalihom jixtieq jikkontribwixxi l-KESE.

3.   Viżjonijiet ġodda dwar il-kuntest u t-tipi tad-diżastri

3.1

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u, b'mod partikolari, l-Annessi tagħha (1), jipprovdu analiżi eżawrjenti tal-perikli u tar-riskji fil-livell globali, u b'mod speċjali fil-kuntest tal-UE. Huma preċiżi ħafna wkoll fid-deskrizzjoni tal-politiki Ewropej li inkludew elementi tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru. Il-KESE jaqbel ħafna mal-isforz tal-Kummissjoni li tuża data affidabbli u teknikament b'saħħitha sabiex tippreżenta viżjoni globali tad-diżastri fl-UE u l-politiki sabiex tindirizzahom.

3.2

Madankollu, b'rabta mal-ħarsa komprensiva lejn id-diżastri fl-UE, il-KESE jiddispjaċih li din tinkorpora biss data diretta minn 16-il Stat Membru u n-Norveġja. Il-KESE jħeġġeġ lill-bqija tal-Istati Membri li għadhom ma pprovdewx data diżaggregata sabiex jikkontribwixxu kemm jista' jkun malajr għal dan l-isforz sabiex tiġi żviluppata l-iżjed valutazzjoni ċara u preċiża possibbli fir-rigward tal-perikli u d-diżastri fi ħdan l-UE.

3.3

Fil-livell globali, l-istudji mwettqa mill-Istrateġija Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Programm ta' Tnaqqis tad-Diżastri (UNISDR) juru li d-“diżastri ż-żgħar” huma aktar frekwenti, jikkawżaw aktar imwiet u telf ekonomiku u jħallu aktar impatt fil-ħajja ta' kuljum ta' miljuni ta' persuni u komunitajiet fid-dinja kollha mid-diżastri l-kbar b'impatt kbir fuq il-mezzi tax-xandir. Il-KESE jqis li l-HFA wara l-2015 għandu jagħti aktar importanza lir-“riskju estensiv” (2) li jinħoloq f'dan it-tip ta' avvenimenti b'kuntrast mar-“riskju intensiv” li kien predominanti fil-passat. L-attenzjoni għal dawn it-tipi ta' diżastri li huma aktar ta' spiss anke jekk fuq skala żgħira għandha twitti t-triq sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-komunitajiet milquta. Il-KESE jqis li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-impatt lokali ta' dawn it-tipi ta' diżastri.

3.4

Minkejja l-għadd kbir ta' studji dwar l-impatt ekonomiku tad-diżastri, rari jiġu analizzati l-ispejjeż f'termini ta' impjieg, kundizzjonijiet tax-xogħol u xogħol deċenti, l-impatt fuq min iħaddem, in-nisġa tal-produzzjoni, eċċ. Il-KESE jqis li dawn l-aspetti għandhom jiġu analizzati aktar fil-fond u għandha tingħata aktar attenzjoni lil aspetti bħall-infrastruttura tal-produzzjoni (3)

3.5

Barra minn hekk, id-data disponibbli turi li ħafna diżastri huma riżultat ta' ammont ta' perikli u mhux minħabba fattur każwali wieħed. Dan jikkonferma l-bżonn ta' analiżi ta' diversi perikli waqt li jitqies approċċ aktar olistiku tad-diżastri u l-kumplessità tagħhom. Il-kunċett ta' “emerġenza kumplessa” li ntuża u li jintuża fl-ambitu umanitarju jista' jservi sabiex jiġu evitati stampi sempliċistiċi tal-kawżi tad-diżastri li jistgħu jwasslu, xi daqqiet, għal risposti sempliċistiċi wkoll. Minkejja li l-approċċi dominanti wara li ġie adottat l-HFA enfasizzaw perikli “naturali” jew “antropiċi mhux intenzjonati”, l-evidenza turi li fatturi bħall-vjolenza fil-kuntesti urbani marġinali, in-nuqqas ta' governanza, it-tipi differenti ta' kunflitti, fost fatturi oħra antropoġeniċi, jaggravaw id-diżastri u għandhom jiġu kkunsidrati. Il-KESE jqis li l-HFA wara l-2015 għandu jindirizza elementi marbutin mal-kunflitt u l-vjolenza b'mod aktar komprensiv. Għandha tiġi indirizzata wkoll b'aktar deċiżjoni l-kwistjoni tad-diżastri relatati mat-teknoloġija jew dawk imsejħa “diżastri trippli” (terrimot, tsunami, nukleari), bħal dak li ġara f'Fukushima.

3.6

Il-KESE huwa konvint ukoll li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-fatturi sottostanti tar-riskju u l-kawżi profondi tad-diżastri. L-analiżijiet u r-reviżjonijiet kollha tal-HFA jindikaw li l-prijorità għal azzjoni sabiex jitnaqqsu l-fatturi sottostanti tar-riskju kienet il-qasam fejn l-inqas sar progress (4).

4.   Ġestjoni tar-riskju ta' diżastri ċċentrata fuq id-drittijiet tal-persuni u speċjalment tal-gruppi l-aktar vulnerabbli fil-livell lokali

4.1

Minkejja l-progress li sar wara li ġie adottat l-HFA, l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet ma ġiex inkluż biżżejjed fil-ġestjoni ta' riskji ta' diżastri. Dan jinkludi każijiet fejn ir-referenzi għall-vulnerabbiltà u d-drittijiet divrenzjali ta' ċerti gruppi kkontribwixxew biex dawn jiġu aktar vulnerabbli, billi l-kapaċitajiet tagħhom jonqsu milli jiġu rikonoxxuti. Dan ġara, pereżempju, minħabba viżjoni sempliċistika tad-dimensjoni tal-ġeneru. Il-KESE jemmen li l-approċċ imsejjes fuq il-persuni, id-drittijiet tagħhom, l-ugwaljanza, id-dritt għall-protezzjoni kif ukoll id-dritt għall-iżvilupp sostenibbli inkluża s-sotenibbiltà ambjentali għandu jidher ħafna aktar bħala prinċipji tal-HFA għall-2015. L-inklużjoni tal-aspetti relatati mal-ġeneru, l-approċċ imsejjes fuq id-drittijiet u l-gruppi vulnerabbli għandha tagħmel parti mis-sett ta' indikaturi użati għall-monitoraġġ tal-HFA għall-2015 u tal-mekkaniżmi ta' responsabbiltà stabbiliti. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dedikati għall-promozzjoni u d-difiża tad-drittijiet u b'mod speċjali dawk iddedikati għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi u dawk li jirrappreżentaw lill-gruppi vulnerabbli għandhom jitlaqqgħu aktar ta' spiss u jiġu involuti fil-forums ta' diskussjoni dwar it-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru.

4.2

L-esperjenza turi li kienu l-inizjattivi lokali jew b'approċċ lokali li huma l-aktar u l-aħjar li jilħqu l-gruppi vulnerabbli. Il-KESE jappoġġja li jiġu promossi approċċi ta' ġestjoni lokali tar-riskju billi jitħallew jipparteċipaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u l-komunitajiet normalment esklużi. Dan jimplika bidla lejn sistemi ta' ġestjoni lokali tar-riskju li jippermettu li jiġu kkonkretizzati l-miżuri u l-mekkaniżmi istituzzjonali neċessarji. L-inizjattivi nazzjonali u dawk appoġġjati mill-korpi internazzjonali għandhom jappoġġjaw il-finanzjament tal-attivitajiet tal-ġestjoni lokali tar-riskju.

4.3

Waqt li jirrikonoxxi li huma u għandhom ikunu l-Istati li jieħdu l-impenn għall-HFA u l-applikazzjoni tiegħu, u li s-suċċess jew il-falliment tal-HFA għall-2015 ser jiddependi mir-rieda politika tal-Istati, il-KESE jixtieq jenfasizza l-bżonn li l-entitajiet muniċipali kollha, il-kunsilli, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-NGOs, l-istituzzjonijiet akkademiċi, is-setturi tan-negozju u l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins jiġu involuti fit-tfassil tal-pjani tal-ġestjoni ta' riskji ta' diżastri jew strumenti simili. Id-distakk attwali bejn il-qasam lokali u livelli amministrattivi superjuri oħra jillimita l-kapaċità li l-popolazzjoni direttament milquta minn periklu jieħdu azzjoni immedjata. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, bi strutturi istituzzjonali dgħajfa.

4.4

In-negozji u s-settur privat għandu rwol fundamentali x'jaqdi fit-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru mhux biss permezz tas-sħubijiet pubbliċi privati jew ir-responsabbiltà soċjali korporattiva iżda wkoll permezz tal-kontribut tal-innovazzjoni, l-esperjenza u l-inklużjoni tal-kunċetti relatati mar-reżiljenza, il-mitigazzjoni u l-adattament fil-proċess produttiv kollu. Il-Komunikazzjoni tirreferi għall-assigurazzjoni, iżda dan għandu jkun flimkien ma' referenzi aktar ċari għall-bżonn imperattiv li jitnaqqas ir-riskju sabiex ikun jista' jiġi ġġenerat żvilupp produttiv.

4.5

Il-KESE jemmen li, skont il-partikolaritajiet ta' kull każ, il-parteċipazzjoni tal-entitajiet tas-soċjetà ċivili fil-ġestjoni tar-riskji ta' diżastru fil-livell globali u fil-ġestjoni lokali tar-riskju għandha tiġi estiża kemm għall-politiki interni tal-UE kif ukoll għal dawk esterni.

4.6

Il-KESE jixtieq jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni, kemm dik formali kif ukoll dik mhux formali, bħala mod effettiv ħafna sabiex jiżdied l-għarfien u biex iċ-ċittadini jaġixxu b'mod aktar effettiv għad-diżastri. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċvili jistgħu jaqdu rwol importanti f'dan il-qasam, li jeċċedi l-ambitu tal-edukazzjoni formali.

5.   Lejn qafas ta' responsabbiltà u trasparenza madwar l-għanijiet u l-indikaturi tal-progress tal-HFA għall-2015

5.1

B'mod ġenerali, il-KESE jaqbel mal-“prinċipji għall-qafas ġdid” tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tar-responsabbiltà u l-indikaturi. Is-sistema attwali ta' monitoraġġ tal-HFA hija fqira wisq u ma servitx biex il-progress jiġi vvalutat b'mod serju. Fil-fatt, ħafna Stati Membri tal-UE ma ressqux id-data tagħhom fil-ħin u b'mod preċiż u m'għandhomx bażijiet ta' data b'saħħithom u affidabbli għal dan is-suġġett. Minħabba s-sensittività pubblika u politika tad-diżastri, hemm bżonn li fil-qasam tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru jiġu stabbiliti mekkaniżmi kredibbli ta' trasparenza u responsabbiltà.

5.2

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi ta' reviżjoni bejn il-pari implimentati minn xi Stati Membri u jemmen li l-użu ġeneralizzat tagħhom għandu jkun it-triq 'il quddiem. Il-KESE jemmen li l-UE għandha tkun aktar ambizzjuża fuq perjodu ta' żmien medju u twil sabiex ittejjeb il-ġbir tad-data tal-Istati Membri b'tali mod li tkun paragunabbli u aċċessibbli, mhux biss għall-istituzzjonijiet governattivi iżda wkoll għas-soċjetà ċivili, il-mezzi tax-xandir, id-dinja akkademika, il-qasam tax-xjenza u gruppi interessati oħra.

5.3

Fi kwalunkwe każ, l-HFA għall-2015 għandu jistabbilixxi sistema ta' indikaturi komuni li jippermettu li jitkejlu l-progress u l-konformità miksuba kemm mill-pajjiżi kif ukoll minn operaturi oħra. Mingħajr ma jingħataw aktar dettalji hawnhekk, il-KESE jikkondividi l-isforzi li saru mill-entitajiet tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-indikaturi u jinsab konvint li dawn għandhom ikopru aktar minn sempliċement l-aspetti tekniċi jew teknokratiċi u jinvolvu elementi soċjali, ta' reżiljenza, ta' parteċipazzjoni, eċċ (5).

5.4

It-trasparenza u r-responsabbiltà għandhom iħeġġu wkoll id-djalogu bejn id-diversi atturi involuti dwar it-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastru: il-korpi uffiċjali, l-istituzzjonijiet politiċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-settur privat u tan-negozju, il-korpi akkademiċi, eċċ.

6.   Koerenza bejn l-aġenda għall-iżvilupp, it-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastru

6.1

F'dinja tant interkonnessa u interdipendenti bħal dik li ngħixu fiha, huwa paradossali li huwa daqshekk diffiċli li jintrabtu l-“aġendi” internazzjonali relatati ma' suġġetti li, abbażi tad-definizzjoni tagħhom, huma relatati ħafna. L-UE għandha tibbenefika mill-fatt li, fl-2015, ser jikkoinċidu inizjattivi differenti relatati mat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp u t-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastru, u tippromovi din l-istess koerenza fil-livell internazzjonali. Dan it-tisħiħ tal-koerenza għandu diversi implikazzjonijiet għall-kunċetti, l-istituzzjonijiet u l-prijoritajiet li għandhom jiġu indirizzati mill-esperjenza tal-komunitajiet milquta u waqt li jiġi kkunsidrat li l-iżvilupp, it-tibdil fil-klima u d-diżastri m'għandhomx jibqgħu jiġu indirizzati b'mod separat. Il-KESE jappoġġja l-isforzi internazzjonali sabiex jiġu definiti kriterji u indikaturi komuni relatati mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-HFA għall-2015.

6.2

Minħabba l-importanza tat-tibdil fil-klima fiż-żieda tal-frekwenza u s-severità tal-perikli (b'mod speċjali dawk idrometeoroloġiċi), kif ukoll l-għanijiet komuni bejn it-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru u l-adattament għat-tibdil fil-klima, għandha tiżdied b'mod sinifikanti l-koordinazzjoni bejn l-istrutturi li jippromovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni f'kull wieħed minn dawn l-oqsma.

6.3

L-HFA futur għall-2015 għandu jesprimi b'mod aktar ċar ir-rabtiet bejn id-diżastri u l-iżvilupp li jistgħu jkunu diversi u kumplessi ħafna. L-iżvilupp imfassal tajjeb jista' jnaqqas ir-riskju iżda bħalma jiġri ħafna drabi, jista' wkoll iżidu. Bl-istess mod, ir-rabtiet bejn it-tibdil fil-klima u d-diżastri huma kumplessi u interdipendenti. Il-KESE jaqbel li l-kunċetti u l-approċċi bħal dak tar-reżiljenza jistgħu jkunu utli meta jiġu indirizzati dawn il-komplementarjetajiet.

6.4

Fl-istess waqt, il-KESE jixtieq juri l-bżonn li jiġu indirizzati r-rabtiet bejn it-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru tradizzjonali u l-aġenda dwar is-sigurtà. S'issa l-approċċ dominanti tal-HFA kien, kif intqal, relatat mad-“diżastri naturali”, iżda perikli u sitwazzjonijiet oħra marbuta mal-vjolenza, il-kunflitt jew it-tilwim dwar ir-riżorsi jindikaw il-bżonn li tinbeda din il-konverġenza. Il-kunċett ta' sigurtà umana jindirizza din is-sitwazzjoni u għandu jiġi studjat kemm dan hu utli f'dan is-settur.

7.   Il-finanzjament tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru u l-impenn tal-UE

7.1

In-nuqqas ta' “kultura ta' prevenzjoni” wassal biex kemm fil-politika interna tal-UE kif ukoll f'dik esterna, it-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru u l-prevenzjoni tar-riskji, il-mitigazzjoni jew il-preparazzjoni għad-diżastri ma kinux prijorità. Kif tesprimi tajjeb il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, xi programmi kienu pijunieri (DIPECHO (6)) iżda l-persentaġġ ta' fondi destinati għal dawn il-kompiti kien dgħajjef. Il-KESE jemmen li għandha tiġi stabbilita indikazzjoni tal-perċentwali minimi rakkomandabbli ta' finanzjament għall-miżuri tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru fil-politika tal-iżvilupp u umanitarja tal-UE b'konformità mal-prattiki ta' donaturi oħra (7). Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta' monitoraġġ finanzjarju għall-miżuri tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru li jistgħu jiġu inklużi fil-politiki dwar l-iżvilupp u l-azzjoni umanitarja.

Brussell, 10 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: “Overview on natural and man-made disasters risks in the EU” SWD(2014) 134 final. “EU policies contributing to disaster risk management” SWD(2014) 133 final.

(2)  L-istudji tal-UNISDR juru li 90 % tat-telf minħabba diżastri globali huwa dovut għal dawn id-diżastri “estensivi”. (Global Assessment Report. GAR. UNISDR, 2013).

(3)  Dan l-aħħar, dan is-suġġett ġie analizzat iżjed fil-fond. “The Labour Market Impacts of Natural and Environmental Disasters”. ADAPT Italia u l-Japan Institute for Labour Policy and Training. http://moodle.adaptland.it/mod/page/view.php?id=9533

(4)  L-HFA jinkludi ħames prijoritajiet għal azzjoni: (1) l-iżgurar li t-tnaqqis ta’ riskju ta’ diżastru jkun prijorità nazzjonali u lokali b’bażi istituzzjonali soda għall-implimentazzjoni; (2) l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ ta’ riskji ta’ diżastri u t-tisħiħ tat-twissija bikrija; (3) l-użu tal-għarfien, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni sabiex tinbena kultura ta’ sikurezza u reżiljenza fil-livelli kollha; (4) it-tnaqqis tal-fatturi sottostanti tar-riskji; (5) it-tisħiħ tal-istat ta’ tħejjija fil-każ ta’ diżastri għal reazzjoni effettiva fil-livelli kollha.

(5)  Joint Civil Society Position on Post 2015 Framework for Disaster Risk Reduction. Id-dokument huwa bbażat fuq il-linji gwida stabbiliti f'“Elements for Consideration in the Post-2015 Framework for Disaster Risk Reduction” (UNISDR Diċembru 2013).

(6)  DIPECHO (Disaster Preparedness ECHO – il-programm ECHO għat-tħejjija f’każ ta’ diżastri) huwa programm li jindirizza t-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru li ġie mniedi fl-1996 mid-DĠ ECHO tal-Kummissjoni Ewropea.

(7)  Dan ir-rapport jagħti sommarju tar-reviżjoni tal-possibbiltajiet ta' finanzjament tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru u l-esperjenzi: http://www.odi.org.uk/sites/odi.org.uk/files/odi-assets/publications-opinion-files/8574.pdf


16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/157


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE tal-25 ta' Frar 1993 dwar assistenza lill-Kummissjoni u koperazzjoni mill-Istati Membri fl-eżami xjentifiku ta' kwistjonijiet dwar l-ikel”

COM(2014) 246 final – 2014/0132 COD

(2014/C 451/26)

Nhar it-22 ta' Mejju 2014, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE tal-25 ta' Frar 1993 dwar assistenza lill-Kummissjoni u koperazzjoni mill-Istati Membri fl-eżami xjentifiku ta' kwistjonijiet dwar l-ikel

COM(2014) 246 final – 2014/0132 COD.

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li, barra minn hekk, diġà ta fehmtu dwar il-kontenut ta' din il-proposta fl-Opinjoni tiegħu CES 404/2001 – 2000/0286 COD, adottata fit-28 ta’ Marzu 2001*, iddeċieda, matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu tad-9 u l-10 ta’ Lulju 2014 (seduta tad-9 ta’ Lulju), b’185 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 2 astensjonijiet, li ma jfassalx opinjoni ġdida dwar il-kwistjoni, iżda li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokument imsemmi. (1)

Brussell, 9 ta' Lulju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ESC opinion NAT/099 on the Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council laying down the general principles and requirements of food law, establishing the European Food Authority, and laying down procedures in matters of food safety, 2001/C 155, p. 32-38, 29.5.2001 (mhux disponibbli bil-Malti) [L-Opinjoni tal-KES NAT/099 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel, ĠU C 155, 29.5.2001, p. 32–38].