ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 362

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
14 ta' Ottubru 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 362/01

Opinjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2014 dwar ir-Rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/13)

1

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 362/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7380 — EQT Infrastructure/Immomutua/ACVIL JV) ( 1 )

4

2014/C 362/03

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7311 — MOL / ENI Česká / ENI Romania / ENI Slovensko) ( 1 )

4

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 362/04

Rata tal-kambju tal-euro

5

2014/C 362/05

Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar Ftehimiet Restrittivi u pożizzjoni dominanti mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-31 ta’ Marzu 2014 rigward abbozz ta’ deċiżjoni dwar il-Każ AT.39792 Barraxa tal-Azzar — Rapporteur: Ir-Rumanija

6

2014/C 362/06

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — Barraxa tal-Azzar (AT.39792)

7

2014/C 362/07

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.39792 — Barraxa tal-Azzar) (notifikat bid-dokument Nru C(2014) 2074 finai)

8

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2014/C 362/08

Informazzjoni li taw l-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

11

2014/C 362/09

Informazzjoni li taw l-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

11

2014/C 362/10

Informazzjoni li taw l-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

12

2014/C 362/11

Komunikazzjoni mill-Gvern Franċiż dwar id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (Avviż dwar it-talbiet għal permessi esklussivi għat-tiftix ta’ idrokarburi likwidi) jew fil-forma ta’ gass imsejħin Permis d’Europa Maritime u Permis d’Europa Maritime Profond)  ( 1 )

13

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 362/12

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.7428 — Iridium/DIF/negozji ta’ konċessjoni) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

15

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kummissjoni Ewropea

14.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Ottubru 2014

dwar ir-Rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/13)

2014/C 362/01

1.   Introduzzjoni

1.1.

Fl-20 ta’ Ġunju 2014, il-Bank Ċentrali Ewropew issottomenta Rakkomandazzjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/13). Fil-15 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill iddeċieda li jikkonsulta mal-Kummissjoni Ewropea dwar din il-proposta.

1.2.

Billi din ir-Rakkomandazzjoni hija ta’ rilevanza speċifika għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, is-swieq u l-infrastrutturi, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, iżda wkoll l-istatistika Ewropea, il-Kummissjoni tilqa’ din il-konsultazzjoni.

1.3.

Il-BĊE jirrakkomanda li l-BĊE jista’ juża t-tagħrif statistiku kunfidenzjali għat-twettiq ta’ funzjonijiet speċifiċi fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, funzjonijiet li ngħataw mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1). Jirrakkomanda wkoll li t-trażmissjoni ta’ tagħrif statistiku kunfidenzjali bejn il-membri tas-SEBĊ u awtoritajiet oħra tal-Istati Membri u tal-Unjoni responsabbli (a) għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, is-swieq u l-infrastrutturi, u (b) għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, lill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) jista’ jseħħ għall-appoġġ tal-kompiti rispettivi. L-awtoritajiet jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni u s-sorveljanza makroprudenzjali, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, kif ukoll awtoritajiet awtorizzati biex isolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu.

2.   Kummenti speċifiċi

2.1.

L-emenda rakkomandata tinvolvi, fost affarijiet oħra, iż-żieda ta’ paragrafu 4a fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 (2), sabiex jippermetti t-trażmissjoni u l-użu tat-tagħrif statistiku miġbur mis-SEBĊ bejn is-SEBĊ u l-awtoritajiet rilevanti.

2.2.

Il-Kummissjoni tappoġġa l-objettivi mfittxija mir-Rakkomandazzjoni tal-BĊE — it-tnaqqis kemm jista’ jkun tal-piż tar-rappurtar tal-impriżi, filwaqt li jkun żgurat li jinħtieġ li d-dejta tinġabar darba biss, kif ukoll li l-UE u l-korpi tal-Istati Membri responsabbli għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, is-swieq u l-infrastrutturi u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jkunu pprovduti bit-tagħrif neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.3.

Madankollu, il-Kummissjoni trid tenfasizza l-importanza tal-ħarsien tal-kunfidenzjalità tal-istatistika fil-produzzjoni tal-istatistika Ewropea.

2.4.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tixtieq tara, direttament fir-Regolament (KE) Nru 2533/98, definizzjonijiet ċari u restrittivi tad-dejta kkonċernata u l-użu potenzjali li jista’ jsir minnha. Fir-rigward ta’ awtoritajiet riċeventi, għandu jkun ċar li jkunu koperti minn obbligi stretti ta’ kunfidenzjalità, inklużi miżuri ta’ protezzjoni fiżika u loġika u restrizzjonijiet ta’ żmien. Dan mhuwiex il-każ bħalissa, peress li dawn l-obbligi huma limitati għall-membri tas-SEBĊ (l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98).

2.5.

Il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità statistika huwa kruċjali biex tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini u l-istess jgħodd għall-intrapriżi. Għalhekk, dan huwa stabbilit fiż-żewġ sistemi li huma responsabbli għall-produzzjoni ta’ statistika Ewropea, jiġifieri s-Sistema Ewropea tal-Istatistka (ESS) u s-SEBĊ. Madankollu, filwaqt li l-prinċipju huwa applikat fil-qafas legali bażiku tal-ESS — ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-istatistika Ewropea (3) — permezz ta’ projbizzjoni ċara tal-użu ta’ dejta miġbura għal finijiet li jmorru lil hinn minn dawk statistiċi, bi ftit eċċezzjonijiet stretti għal dik ir-regola, il-qafas legali bażiku għas-SEBĊ — ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 — jistabbilixxi lista ta’ eċċezzjonijiet (4) kemxejn estensiva u mhux daqstant definita b’mod ċar.

2.6.

Hija din il-lista ta’ eċċezzjonijiet li l-ECB issa qed jirrakkomanda li għandha tiġi estiża aktar, biex tinkludi l-użu minn entitajiet 'il barra mis-SEBĊ li huma responsabbli għal kompiti relatati mas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, is-swieq u l-infrastrutturi u s-sorveljanza makroprudenzjali.

2.7.

In-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ regoli u kundizzjonijiet ċari u stretti fil-kuntest ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sabiex tespandi l-lista ta’ eċċezzjonijiet ikun ta’ tħassib għall-Kummissjoni f’diversi aspetti. Dan l-ewwel nett minħabba li entitajiet li mhumiex parti mis-SEBĊ u li mhumiex produtturi tal-istatistika se jingħataw aċċess. Dawn l-entitajiet mhumiex marbuta bil-prinċipji professjonali li japplikaw għall-awtoritajiet tal-istatistika fuq il-bażi tar-regolamenti tal-qafas bażiku u tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea relatat msemmija hawn fuq. It-tieni, minħabba n-natura tat-tagħrif li jrid jiġi aċċessat u l-użu intenzjonat tiegħu għal finijiet ta’ superviżjoni finanzjarja. Dejta ta’ sensittività kummerċjali għolja għas-suġġetti tad-dejta jaf tintuża għal finijiet ta’ monitoraġġ u verifika. Filwaqt li dejta amministrattiva tista’ tintuża għal skopijiet ta’ statistika, l-użu ta’ tagħrif statistiku kunfidenzjali għal finijiet amministrattivi ma jkunx konformi mal-prinċipji statistiċi tas-soltu. It-tielet, għaliex jista’ jkun li s-SEBĊ ma jkunx kapaċi jiggarantixxi li l-entitajiet rileventi “l barra mis-SEBĊ se jħarsu d-dejta bil-mod li hu meħtieġ. Dan jista” jdgħajjef il-fiduċja tal-pubbliku fl-awtoritajiet tal-istatistika u, b’konsegwenza, jaffettwa r-rati ta’ rispons u l-kwalità tad-dejta rrappurtata.

2.8.

Hemm regoli speċifiċi li japplikaw għal dejta li toriġina mill-ESS li ġiet trażmessa lis-SEBĊ (b’mod partikolari l-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 2533/98). Dawn ir-regoli ma jiġux affettwati direttament mill-emendi li qed jiġu proposti. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li jinħtieġu salvagwardji addizzjonali. Dawn is-salvagwardji għandhom ikunu speċifikati fir-Regolament (KE) Nru 2533/98, u mhux biss fi stadju aktar tard fi ftehimiet bilaterali bejn il-BĊE u l-Kummissjoni (l-Eurostat) (5) jew bejn il-membri l-oħra tas-SEBĊ u l-ESS, rispettivament.

3.   Konklużjoni

3.1.

Il-Kummissjoni tappoġġa l-objettivi mfittxija mir-Rakkomandazzjoni tal-BĊE – it-tnaqqis kemm jista’ jkun tal-piż tar-rappurtar tal-impriżi, filwaqt li jkun żgurat li jinħtieġ li d-dejta tinġabar darba biss, kif ukoll li l-UE u l-korpi tal-Istati Membri responsabbli għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, is-swieq u l-infrastrutturi u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jkunu pprovduti bit-tagħrif neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

3.2.

Madankollu, il-Kummissjoni trid tenfasizza l-importanza tal-ħarsien tal-kunfidenzjalità tal-istatistika fil-produzzjoni tal-istatistika Ewropea. Sabiex jitħares kemm jista’ jkun dan il-prinċipju, ir-Regolament għandu jipprovdi definizzjonijiet ċari u restrittivi tad-dejta kkonċernata u l-użu potenzjali li jista’ jsir minnha. Fir-rigward ta’ awtoritajiet riċeventi, għandu jkun ċar li jkunu koperti minn obbligi stretti ta’ kunfidenzjalità, inklużi miżuri ta’ protezzjoni fiżika u loġika u restrizzjonijiet ta’ żmien.

3.3.

B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li t-tħassib imsemmi hawn fuq għandu jiġi indirizzat fir-Regolament (KE) Nru 2533/98.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(3)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

(4)  Ara l-Artikolu 20 flimkien mal-Artikolu 2(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 għal finijiet tal-ESS, u l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 għal finijiet tas-SEBĊ.

(5)  L-Eurostat hija l-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea.


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

14.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/4


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7380 — EQT Infrastructure/Immomutua/ACVIL JV)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

2014/C 362/02

Fis-7 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ispanjol u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32014M7380. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


14.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/4


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7311 — MOL / ENI Česká / ENI Romania / ENI Slovensko)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

2014/C 362/03

Fl-24 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32014M7311. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

14.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/5


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-13 ta’ Ottubru 2014

2014/C 362/04

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,2679

JPY

Yen Ġappuniż

135,95

DKK

Krona Daniża

7,4439

GBP

Lira Sterlina

0,78800

SEK

Krona Żvediża

9,1103

CHF

Frank Żvizzeru

1,2077

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

8,2295

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,545

HUF

Forint Ungeriż

305,51

LTL

Litas Litwan

3,4528

PLN

Zloty Pollakk

4,1916

RON

Leu Rumen

4,4008

TRY

Lira Turka

2,8822

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4480

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4216

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,8371

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6107

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6115

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 352,15

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

14,0093

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,7684

HRK

Kuna Kroata

7,6515

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 460,12

MYR

Ringgit Malażjan

4,1356

PHP

Peso Filippin

56,741

RUB

Rouble Russu

51,3027

THB

Baht Tajlandiż

41,113

BRL

Real Brażiljan

3,0303

MXN

Peso Messikan

17,0317

INR

Rupi Indjan

77,3356


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


14.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/6


Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar Ftehimiet Restrittivi u pożizzjoni dominanti mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-31 ta’ Marzu 2014 rigward abbozz ta’ deċiżjoni dwar il-Każ AT.39792 Barraxa tal-Azzar

Rapporteur: Ir-Rumanija

2014/C 362/05

1.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-komportament antikompetittiv kopert mill-abbozz ta’ deċiżjoni jikkostitwixxi ftehimiet u/jew prattiċi miftiehma bejn impriżi fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE.

2.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-impriżi konċernati tal-abbozz ta’ deċiżjoni pparteċipaw fi ksur waħdieni u kontinwu tal-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE.

3.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-għan tal-ftehimiet u/jew il-prattiċi miftiehma kien li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE.

4.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-ftehimiet u/jew il-prattiċi miftiehma kienu kapaċi jeffetwaw b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-UE u taż-ŻEE.

5.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni rigward it-tul tal-ksur fir-rigward ta’ kull destinatarju.

6.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni għar-rigward tad-destinatarji tad-deċiżjoni.

7.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li għandha tiġi imposta multa fuq id-destinatarji tal-abbozz tad-deċiżjoni.

8.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-ammonti bażiċi tal-multi.

9.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mat-tul tal-perjodu stabbilit biex jiġu kkalkulati l-multi.

10.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li ma hemm l-ebda ċirkostanzi aggravanti applikabbli f’dan il-każ.

11.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis abbażi ta’ ċirkostanzi attenwanti.

12.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-adattament tal-multi abbażi tal-punt 37 tal-Linji Gwida dwar il-Multi tal-2006.

13.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni fir-rigward tat-tnaqqis tal-multi abbażi tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006.

14.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni fir-rigward tat-tnaqqis ta’ multi msejjes fuq in-Notifika ta’ Riżolviment tal-2008.

15.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar inabbiltà li titħallas it-talba.

16.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni fuq l-ammonti finali tal-multi.

17.

Il-Kumitat Konsultattiv jirrakkomanda l-pubblikazzjoni tal-Opinjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


14.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/7


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Barraxa tal-Azzar

(AT.39792)

2014/C 362/06

Fis-16 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni Ewropea inizjalat proċeduri skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2) kontra Ervin (3), MTS (4), [impriża oħra] (5), Winoa (6) u Würth (7).

Wara diskussjonijiet dwar riżolviment u sottomissjonijiet dwar riżolviment skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (8), fit-13 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni Ewropea adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) indirizzata lil Ervin, MTS, Winoa u Würth (“il-partijiet li għażlu r-riżolviment”) (9), li tiddikjara li huma kienu pparteċipaw fi ksur wieħed u kontinwu tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Fid-DO ġie allegat li, permezz ta’ kuntatti bilaterali u multilaterali, il-partijiet li għażlu r-riżolviment kienu kkoordinaw il-komportament tagħhom fir-rigward tal-prezzijiet tal-barraxa tal-azzar fiż-ŻEE permezz tat-twaqqif ta’ mudell ta’ kalkolu uniformi għal sovraimpożizzjoni komuni ta’ ruttam, u daħħlu sovraimpożizzjoni għall-enerġija u rrestrinġew il-kompetizzjoni fir-rigward tal-klijenti individwali.

Fit-tweġibiet tagħhom għad-DO, il-partijiet li qed ifittxu riżolviment ikkonfermaw li d-DO indirizzata lilhom kienet tirrifletti l-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom għar-riżolviment.

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jien eżaminajt jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jindirizzax biss l-oġġezzjonijiet rigward liema partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom, u jien wasalt għal konklużjoni pożittiva.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, u fil-kunsiderazzjoni li l-partijiet li qed ifittxu riżolviment ma indirizzawli l-ebda talba jew ilment (10), inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom f’dan il-każ ġie rispettat.

Brussell, il-31 ta’ Marzu 2014.

Wouter WILS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(3)  Ervin Industries Inc. u Ervin Amasteel.

(4)  Metalltechnik Schmidt GmbH & Co. KG.

(5)  […].

(6)  WHA Holding SAS u Winoa SA.

(7)  Eisenwerk Würth GmbH.

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli minn 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18).

(9)  [L-impriża l-oħra] ma ressqitx talba formali ta’ riżolviment skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004. Il-proċedimenti amministrattivi skont l-Artikolu 7 tar- Regolament (KE) Nru 1/2003 kontra [l-impriża l-oħra] għadhom pendenti.

(10)  Skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, il-partijiet fil-proċedimenti f’każijiet ta’ kartell li jieħdu sehem f’diskussjonijiet ta’ riżolviment skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 jistgħu jirrikorru għall-uffiċjal tas-seduta fi kwalunkwe stadju tal-proċedura ta’ riżolviment sabiex ikun żgurat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom. Ara wkoll il-paragrafu 18 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar it-twettiq ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bl-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet ta’ kartelli (ĠU C 167, 2.7.2008, p. 1).


14.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/8


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-2 ta’ April 2014

li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

(Il-Każ AT.39792 — Barraxa tal-Azzar)

(notifikat bid-dokument Nru C(2014) 2074 finai)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

2014/C 362/07

Fit-2 ta’ April 2014, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-Deċiżjoni, inkluż kull penalità imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni tikkonċerna ksur wieħed u kontinwu tal-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE fis-settur tal-barraxa tal-azzar. Il-barraxa tal-azzar huma partiċelli maħlula tal-azzar, li jkunu jew f’forma tonda (boċċi tal-azzar) jew angulari (naqal tal-azzar), li jintużaw prinċipalment fl-industriji tal-azzar, tal-awtovetturi, tal-metallurġija, tal-petrokimika u tal-qtugħ tal-ġebel. Dawn jiġu manifatturati permezz tal-atomizzazzjoni ta’ azzar maħlul minn fdalijiet tal-azzar, u wara jsiru diversi proċessi ta’ trattament termali u mekkanimu sabiex jieħdu l-karatteristiċi finali tagħhom. L-aġir antikompetittiv identifikat f’dan il-każ ikopri kemm il-boċċi tal-azzar kif ukoll in-naqal tal-azzar fil-gradi kollha tagħhom. Id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-entitajiet li ġejjin: (i) Ervin Industries Inc. u Ervin Amasteel (Ervin); (ii) WHA Holding SAS u Winoa SA (Winoa); (iii) Metalltechnik Schmidt GmbH & Co. KG (MTS) u (iv) Eisenwerk Würth GmbH (Würth).

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Il-Proċedura

(2)

Wara l-applikazzjoni għall-immunità minn Ervin, il-Kummissjoni għamlet spezzjonijiet għall-għarrieda bejn il-15 u s-17 ta’ Ġunju 2010 fil-proprjetajiet ta’ diversi produtturi tal-barraxa tal-azzar.

(3)

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet ukoll diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(4)

Fis-16 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 kontra d-destinatarji tad-Deċiżjoni kif ukoll kontra parti oħra bl-għan li jidħlu f’diskussjonijiet dwar riżolviment. Il-laqgħat għal riżolviment saru bejn Frar 2013 u Diċembru 2013. Sussegwentement, Ervin, Winoa, MTS u Würth ressqu lill-Kummissjoni t-talba formali tagħhom għal riżolviment skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (2).

(5)

Fit-13 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet indirizzata lil Ervin, Winoa, MTS u Würth. Dawn il-partijiet kollha kkonfermaw li din kienet tirrifletti l-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom u li għalhekk huma għadhom impenjati li jsegwu l-proċedura tar-riżolviment. Il-Kumitat Konsultattiv fil-Qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fil-31 ta’ Marzu 2014 u l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fit-2 ta’ April 2014.

2.2.   Destinatarji u dewmien

(6)

Id-destinatarji tad-Deċiżjoni pparteċipaw f’kartell u/jew iġorru r-responsabilità għalih, bi ksur għalhekk tal-Artikolu 101 tat-Trattat, matul il-perjodi indikati hawn taħt:

Entità

Tul ta’ żmien

Ervin Industries Inc.

Ervin Amasteel

It-3 ta’ Ottubru 2003 – it-30 ta’ Marzu 2010

Winoa SA

WHA Holding SAS

It-3 ta’ Ottubru 2003 – il-15 ta’ Ġunju 2010

Is-6 ta’ Ottubru 2005 – il-15 ta’ Ġunju 2010

Metalltechnik Schmidt GmbH & Co. KG

Il-15 ta’ Ottubru 2003 – il-15 ta’ Ġunju 2010

Eisenwerk Würth GmbH

Id-19 ta’ Jannar 2004 – il-15 ta’ Ġunju 2010

(7)

Ervin Industries Inc. hija responsabbli in solidum bħala kumpannija possedenti għall-parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha Ervin Amasteel. WHA Holding SAS u Winoa SA huma wkoll responsabbli għall-komportament tas-sussidjarji direttament jew indirettament fil-pusses sħiħ tagħhom u WHA Holding SAS hija wkoll responsabbli in solidum għall-komportament ta’ Winoa SA.

2.3.   Sommarju tal-ksur

(8)

Id-Deċiżjoni tikkonċerna kartell li l-għan aħħari tiegħu kien li jikkoordina l-prezzijiet ta’ barraxa tal-azzar u li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fil-prezzijiet. Sabiex jilħqu l-għan tagħhom il-partijiet daħlu f’kuntatti antikompetittivi frekwenti, fuq bażi bilaterali kif ukoll multilaterali. Dawn il-kuntatti ntużaw mill-partijiet biex jiddiskutu l-elementi ewlenin tal-prezz applikabbli għall-bejgħ kollu tagħhom fiż-ŻEE ta’ barraxa tal-azzar u b’mod partikolari biex:

(a)

jikkoordinaw l-introduzzjoni ta’ mudell uniformi ta’ kalkolu għal sovraimpożizzjoni komuni għar-ruttam — sovraimpożizzjoni varjabbli li tkun applikabbli għall-prezz tal-barraxa kollha tal-azzar fiż-ŻEE; is-sovraimpożizzjoni komuni kienet applikabbli matul il-perijodu kollu tal-ksur;

(b)

jintroduċu sovraimpożizzjoni għall-enerġija;

(c)

jikkoordinaw il-komportament fejn jidħlu kljenti individwali; il-partijiet iddiskutew (l-aktar permezz ta’ kuntatti bilaterali) liema parametri ta’ kompetizzjoni jkunu jistgħu jużaw bejniethom fejn jidħlu klijenti individwali: fil-prinċipju l-kompetizzjoni fil-prezzijiet ġiet ristretta, li llimita l-kompetizzjoni biss għal fejn jidħlu kwalità u servizzi. Bl-għan aħħari li jillimitaw il-kompetizzjoni tal-prezzijiet, f’xi każijiet il-partijiet għamlu wkoll allokazzjoni ta’ klijenti.

(9)

L-ambitu ġeografiku tal-komportament fir-rigward tal-partijiet kollha kien mifrux madwar iż-ŻEE, matul il-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħhom.

2.4.   Rimedji

(10)

Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida tal-2006 dwar il-Multi (3). Bl-eċċezzjoni ta’ Ervin, id-Deċiżjoni timponi multi fuq l-entitajiet kollha elenkati taħt il-punt (6) hawn fuq.

2.4.1.   Ammont bażiku tal-multa

(11)

Fil-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-bejgħ tal-entitajiet parteċipanti fis-swieq ikkonċernati fl-aħħar sena qabel it-tmiem tal-kartell, il-fatt li l-arranġamenti ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet huma fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar serji, it-tul tal-kartell u ammont addizzjonali sabiex l-impriżi jiġu skoraġġuti milli jidħlu fi prattiki ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet.

2.4.2.   Aġġustamenti tal-ammont bażiku

(12)

Il-Kummissjoni ma applikat l-ebda ċirkostanza aggravanti. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li fil-każ ta’ MTS u Würth japplikaw ċirkustanzi attenwanti peress li l-evidenza wriet li huma kkontribwixxew f’livell anqas minn partijiet oħra f’xi arranġamenti għaż-żamma tal-kartell.

2.4.3.   Adozzjoni tal-ammont bażiku aġġustat

(13)

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-punt 37 tal-Linji Gwida dwar il-Multi tal-2006 u adattat il-multi b’tali mod li jitqies il-proporzjon tal-bejgħ tal-prodott fil-kartell fil-fatturat totali u d-differenzi bejn il-partijiet skont il-parteċipazzjoni individwali tagħhom fil-ksur.

2.4.4.   Applikazzjoni tal-limitu massimu tal-10 % tal-fatturat

(14)

F’dan il-każ, l-ebda waħda mill-multi ma taqbeż l-10 % tal-fatturat totali ta’ impriża għall-2012.

2.4.5.   Applikazzjoni tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006: tnaqqis ta’ multi

(15)

Il-Kummissjoni kkonċediet immunità sħiħa mill-multa lil Ervin.

2.4.6.   Applikazzjoni tan-Notifika ta’ Riżolviment

(16)

B’riżultat tal-applikazzjoni tan-Notifika ta’ Riżolviment, l-ammont tal-multi imposti fuq id-destinatarji kollha tnaqqas b’10 %.

3.   KONKLUŻJONI

(17)

Il-multi li ġejjin kienu imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(a)   Ervin Industries Inc. u Ervin Amasteel, in solidum: EUR 0;

(b)   Winoa SA: EUR 8 046 000;

(c)   Winoa sa u WHA Holding SAS, in solidum: EUR 19 519 000;

(d)   Metalltechnik Schmidt GmbH & Co. KG: EUR 2 079 000;

(e)   Eisenwerk Würth GmbH: EUR 1 063 000.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18).

(3)  ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2.


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

14.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/11


Informazzjoni li taw l-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

2014/C 362/08

Skont l-Artikolu 35(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), ittieħdet deċiżjoni li s-sajd jingħalaq kif stipulat fit-tabella ta’ hawn taħt:

Id-data u l-ħin tal-għeluq

13.9.2014

It-tul ta’ żmien

13.9.2014–31.12.2014

L-Istat Membru

Il-Belġju

L-Istokk jew il-Grupp ta’ stokkijiet

SOL/8AB.

L-ispeċi

Lingwata komuni (solea solea)

Iż-żona

Iż-żoni VIIIa u VIIIb

It-tip/tipi ta’ bastimenti tas-sajd

In-numru ta’ referenza

45/TQ43


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.


14.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/11


Informazzjoni li taw l-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

2014/C 362/09

Skont l-Artikolu 35(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), ittieħdet deċiżjoni li s-sajd jingħalaq kif stipulat fit-tabella ta’ hawn taħt:

Id-data u l-ħin tal-għeluq

13.9.2014

It-tul ta’ żmien

13.9.2014–31.12.2014

L-istat Membru

Il-Belġju

L-istokk jew il-Grupp ta’ stokkijiet

SRX/07D.

L-ispeċi

Rebekkini u raj (Rajiformes)

Iż-żona

L-ilmijiet tal-Unjoni taż-żona VIId

It-tip/tipi ta’ bastimenti tas-sajd

In-numru ta’ referenza

46/TQ43


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.


14.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/12


Informazzjoni li taw l-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

2014/C 362/10

Skont l-Artikolu 35(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), ittieħdet deċiżjoni li s-sajd jingħalaq kif stipulat fit-tabella ta’ hawn taħt:

Id-data u l-ħin tal-għeluq

13.9.2014

It-tul ta’ żmien

13.9.2014–31.122014

L-Istat Membru

Il-Belġju

L-istokk jew il-Grupp ta’ stokkijiet

SRX/89-C.

L-ispeċi

Rebekkini u raj (Rajiformes)

Iż-żona

L-ilmijiet tal-Unjoni taż-żoni VIII u IX

It-tip/tipi ta’ bastimenti tas-sajd

In-numru ta’ referenza

47/TQ43


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.


14.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/13


Komunikazzjoni mill-Gvern Franċiż dwar id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (1)

(Avviż dwar it-talbiet għal permessi esklussivi għat-tiftix ta’ idrokarburi likwidi jew fil-forma ta’ gass imsejħin “Permis d’Europa Maritime” u “Permis d’Europa Maritime Profond”)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

2014/C 362/11

Fit-12 ta’ Diċembru 2013, il-kumpaniji MAREX EU INC. u SOUTH ATLANTIC PETROLEUM UN SAS, irrappreżentati fi Franza minn Cabinet BONNA-AUZAS Avocats li jinsab f’Nru 6, rue Paul Valéry, 75116 Pariġi, applikaw għal permess esklussiv ta’ ħames snin biex jipprospettaw fuq idrokarburi likwidi u dawk fil-forma ta’ gass, imsejjaħ “Permis d’Europa Maritime”.

Fit-28 ta’ Frar 2014, il-kumpanija GEOTECH HONGKONG Ltd, irrappreżentati fi Franza YB CONSEIL EURL li jinsabu f’Nru 1897, route de Montjoly, RDL Résidence Man CIA — ADC DOM, 97354 Rémire-Montjoly, Cayenne, applikat għal permess esklussiv ta’ ħames snin biex tipprospetta fuq idrokarburi likwidi u dawk fil-forma ta’ gass, imsejjaħ “Permis d’Europa Maritime Profond”.

Il-perimetru ta’ dawn l-applikazzjonijiet għal permessi li jikkonċernaw iż-żona ekonomika esklussiva tal-gżira Europa, li tinsab fin-Nofsinhar tal-kanal tal-Możambik u li tifforma parti mill-“Îles Éparses”, ikopri ż-żona demarkata mil-linji dritti li sussegwentement jgħaqqdu l-punti definiti hawn taħt permezz tal-koordinati ġeografiċi WGS84 tagħhom fi gradi sessaġeżimali, fejn il-meridjan Greenwich jittieħed bħala l-meridjan tal-oriġini:

Quċċata

Lonġitudni

Latitudni

A

40° 55′ 00″ E

19° 03′ 00″ S

B

41° 06′ 00″ E

19° 08′ 00″ S

C

L-intersezzjoni tal-parallel 23° 08′ 26″ S maż-żoni ekonomiċi esklussivi Franċiżi u tal-Madagaskar għad trid tiġi stabbilita

D

L-intersezzjoni tal-parallel 23° 12′ 05″ S maż-żoni ekonomiċi esklussivi Franċiżi u tal-Możambik għad trid tiġi stabbilita

B sa C: il-limiti taż-żoni ekonomiċi esklussivi Franċiżi u tal-Madagaskar, għad iridu jiġu stabbiliti;

D sa A: il-limiti taż-żoni ekonomiċi esklussivi Franċiżi u tal-Możambik, għad iridu jiġu stabbiliti.

It-tressiq tal-applikazzjonijiet u l-kriterji għall-għoti tal-permess

Dawk li jressqu l-applikazzjoni inizjali u l-applikazzjonijiet kompetittivi għandhom jagħtu prova li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tad-dritt, iddefiniti fl-Artikoli 4 u 5 tal-liġi emendata Nru 2006-648 tat-2 ta’ Ġunju 2006, dwar id-drittijiet marbuta mal-minjieri u d-drittijiet tal-ħżin taħt l-art (Journal officiel de la République française tat-3 ta’ Ġunju 2006).

Il-kumpaniji interessati jistgħu jressqu applikazzjoni kompetittiva fi żmien 90 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż, skont il-proċedura miġbura fl-“Avis relatif à l’obtention des titres miniers d’hydrocarbures en France” (Avviż dwar il-ksib ta’ drittijiet marbuta mal-minjieri għall-idrokarburi fi Franza), ippubblikat f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej C 374 tat-30 ta’ Diċembru 1994, paġna 11, u stabbilita mil-liġi Nru 2006-648 tat-2 ta’ Ġunju 2006, emendata, dwar id-drittijiet marbuta mal-minjieri u d-drittijiet tal-ħżin taħt l-art (Journal officiel de la République française (Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża) tat-3 ta’ Ġunju 2006).

L-applikazzjonijiet konkorrenti jistgħu jintbagħtu lill-Ministeru tal-Ekoloġija, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Enerġija fl-indirizz imsemmi hawn taħt. Id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni inizjali u l-applikazzjonijiet li jikkompetu magħha jittieħdu fi żmien sentejn mill-wasla tal-applikazzjoni inizjali għand l-awtoritajiet Franċiżi, jiġifieri mhux aktar tard mill-18 ta’ April 2016.

Il-kundizzjonijiet u rekwiżiti għall-eżerċizzju tal-attività u għall-waqfien tagħha.

L-applikanti huma mistiedna jirreferu għall-Artikoli 79 u 79(1) tal-kodiċi marbut mal-minjieri u għal-liġi Nru 2006-649 tat-2 ta’ Ġunju 2006, emendata, dwar ix-xogħlijiet marbua mal-minjieri, ix-xogħlijiet tal-ħżin taħt l-art u l-pulizija tal-minjieri u l-ħażniet taħt l-art (Journal officiel de la République française (Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża) tat-3 ta’ Ġunju 2006).

Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-Ministerutal-Ekoloġija, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Enerġija,

Direction générale de l’énergie et du climat — Direction de l’énergie

Bureau exploration et production des hydrocarbures

Tour Séquoia

1 place Carpeaux

92800 Puteaux

FRANCE

Tel. +33 140819527

Id-dispożizzjonijiet regolatorji msemmija hawn fuq jinsabu fis-sit Légifrance: http://www.legifrance.gouv.fr


(1)  ĠU L 164, 30.6.1994, p. 3.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

14.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/15


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.7428 — Iridium/DIF/negozji ta’ konċessjoni)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

2014/C 362/12

1.

Fis-6 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha Iridium Concesiones de Infraestructuras S.A. (“Iridium”, Spanja), sussidjarja ACS Group (Spanja), u DIF Management B.V. (“DIF”, il-Pajjiżi l-Baxxi) jakkwistaw fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet kontroll konġunt ta’ għadd ta’ negozji ta’ konċessjoni, permezz ta’ xiri ta’ ishma f’joint venture li għadha kif inħolqot u permezz ta’ kuntratt ta’ ġestjoni.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Iridium hija attiva fl-iżvilupp, il-ġestjoni u l-manutenzjoni ta’ konċessjonijiet li jinvolvu l-infrastruttura tat-trasport u x-xogħlijiet pubbliċi madwar id-dinja,

DIF tamministra fondi ta’ investiment attivi f’infrastruttura ta’ kwalità għolja tal-assi, inklużi sħubija pubblika-privata relatati ma’ proġetti ta’ infrastruttura soċjali u proġetti tal-enerġija rinnovabbli, fl-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq,

In-negozji ta’ konċessjoni, li attwalment huma kkontrollati biss jew b’mod konġunt minn Iridium, fl-infrastruttura tal-isptarijiet u fis-settur tal-infrastruttura tat-trasport fi Spanja.

3.

Wara analiżi preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu lilha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301) jew permezz tal-e-Mail lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta’ referenza M.7428 — Iridium/DIF/negozji ta’ konċessjoni, f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (Ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.