ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 291

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
30 ta' Awwissu 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 291/01

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Avviż dwar akkordji ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Avviż De Minimis)

1

2014/C 291/02

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet mhux mitluba li għandhom jiżdiedu mal-kwantità stabbilita għas-subperjodu mill-1 ta’ Jannarsal-31 ta’ Marzu 2015 fil-kuntest ta’ ċerti kwoti miftuħa mill-Unjoni Ewropea għall-prodotti fis-settur tal-laħam tat-tjur

5

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 291/03

Rata tal-kambju tal-euro

6

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 291/04

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.7341 — MVD/Postcon/ADVO u.a.) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

7

2014/C 291/05

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.7376 — Droege/Weltbild) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

8

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

30.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Avviż dwar akkordji ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Avviż De Minimis)

2014/С 291/01

I.

1.

L-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi akkordji bejn intrapriżi li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala għan jew effett tagħhom il-prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċċarat li din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli fejn l-impatt tal-akkordju fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew il-kompetizzjoni ma jistax ikun valutat (1).

2.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll li akkordju li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandu bħala l-għan tiegħu l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern jikkostitwixxi, min-natura tiegħu u indipendentement minn kwalunkwe effetti konkreti li jista’ jkollu, restrizzjoni apprezzabbli tal-kompetizzjoni (2). Dan l-Avviż, għalhekk, ma jkoprix akkordji li għandhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

3.

F’dan l-Avviż il-Kummissjoni tindika, bil-għajnuna ta’ ishma limitatriċi tas-suq, f’liema ċirkostanzi tqis li akkordji li jista’ jkollhom bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern ma jikkostitwixxux restrizzjoni apprezzabbli tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101 tat-Trattat. Din id-definizzjoni negattiva ta’ apprezzabilità ma timplikax li akkordji bejn l-intrapriżi li jeċċedu l-limiti espressi f’dan l-Avviż jirrestrinġu b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni. Akkordji bħal dawn għad jista’ jkollhom biss effett negliġibbli fuq il-kompetizzjoni u jistgħu għalhekk ma jkunux ipprojbiti bl-Artikolu 101(1) tat-Trattat (3).

4.

Akkordji jistgħu wkoll ma jaqgħux taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat għax ma għandhomx il-kapaċità li jaffettwaw b’mod apprezzabbli l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dan l-Avviż ma jindikax x’jikkostitwixxi effett apprezzabbli fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Gwida għal dak l-għan tinsab fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-effett fuq il-kummerċ (4), li fiha l-Kummissjoni tikkwantifika, bil-għajnuna ta’ taħlita ta’ limitu tas-sehem tas-suq ta’ 5 % u limitu ta’ fatturat minimu ta’ EUR 40 miljun, liema akkordji fil-prinċipju mhumiex kapaċi jeffettwaw b’mod favorevoli l-kummerċ bejn l-Istati Membri (5). Tali akkordji normalment ma jaqgħux taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, anki jekk huma għandhom bħala għan tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

5.

F’każijiet koperti b’dan l-Avviż, il-Kummissjoni, ma għandhiex tieħu passi la meta jsir ilment u lanqas b’inizjattiva proprja. Barra minn hekk, fejn il-Kummissjoni tiftaħ proċedimenti imma l-intrapriżi jistgħu juru li jkunu assumew b’bona fede li l-ishma tas-suq imsemmija fil-punti 8, 9, 10 u 11 ma kinux eċċeduti, il-Kummissjoni ma timponix multi. Għalkemm mhuwiex vinkolanti fuqhom, dan l-Avviż huwa wkoll maħsub biex jiggwida lill-qrati u lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tagħhom tal-Artikolu 101 tat-Trattat (6).

6.

Il-prinċipji stabbiliti f’dan l-Avviż japplikaw ukoll għal deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ intrapriżi u għal prattiċi miftiehma.

7.

Dan l-Avviż huwa mingħajr preġudizzju għal kull interpretazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat li tista’ tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

II.

8.

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li akkordji bejn intrapriżi li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jista’ jkollhom bħala l-effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat:

(a)

jekk is-somma tas-sehem tas-suq f’idejn il-partijiet fl-akkordju ma teċċedix l-10 % f’xi wieħed mis-swieq rilevanti effettwati mill-akkordju, fejn l-akkordju isir bejn intrapriżi li huma kompetituri attwali jew potenzali f’xi wieħed minn dawn is-swieq (akkordju bejn il-kompetituri) (7); jew

(b)

jekk is-sehem tas-suq f’idejn kull wieħed mill-partijiet għall-akkordju ma jeċċedix il-15 % f’xi wieħed mis-swieq rilevanti effettwati mill-akkordju, fejn l-akkordju isir bejn intrapriżi li mhumiex kompetituri attwali jew potenzali f’xi wieħed minn dawk is-swieq (akkordju bejn nonkompetituri).

9.

F’każijiet fejn huwa diffiċli tikklassifika l-akkordju bħala akkordju bejn kompetituri jew akkordju bejn nonkompetituri l-limitu ta’ 10 % huwa applikabbli.

10.

Fejn f’suq rilevanti l-kompetizzjoni hija ristretta bl-effett kumulattiv ta’ akkordju għall-bejgħ ta’ oġġetti u servizzi konklużi minn fornituri jew distributuri differenti (effett ta’ esklużjoni kumulattiv fis-suq ta’ networks paralleli ta’ akkordji li għandhom effett simili fuq is-suq), il-limiti ta’ ishma fis-suq stabbiliti fil-punt 8 u 9 jitnaqqsu għal 5 %, kemm għal akkordji bejn kompetituri u kemm għal akkordji bejn nonkompetituri. Fornituri jew distributuri individwali b’sehem tas-suq ta’ mhux aktar minn 5 % b’mod ġenerali mhumiex meqjusa li jikkontribwixxu b’mod sinifikattiv għal effett ta’ esklużjoni kumulattiv (8). Effett ta’ esklużjoni kumulattiv aktarx ma jkunx jeżisti jekk inqas minn 30 % tas-suq rilevanti huwa kopert minn akkordji (networks) paralleli li għandhom effetti simili.

11.

Il-Kummissjoni hija wkoll tal-opinjoni li l-akkordji ma jirristrenġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni jekk l-ishma tas-suq tal-partijiet fl-akkordju ma jeċċedux il-limiti ta’ 10 %, 15 % u 5 % espressi fil-punti 8, 9 u 10 rispettivament matul sentejn kalendarji suċċessivi b’aktar minn 2 punti perċentwali.

12.

Biex ikun ikkalkulat is-sehem mis-suq, huwa meħtieġ li jkun iddeterminat is-suq rilevanti. Dan jikkonsisti mis-suq relevanti tal-prodott u mis-suq ġeografiku relevanti. Meta ssir definizzjoni tas-suq rilevanti, għandu jkun hemm referenza għall-Avviż dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti (9). L-ishma tas-suq għandhom ikunu kkalkulati fuq il-bażi ta’ informazzjoni dwar valur waqt il-bejgħ jew, fejn xieraq, informazzjoni dwar valur waqt xiri. Jekk informazzjoni dwar valur mhijiex disponibbli, jistgħu jintużaw stimi bbażati fuq informazzjoni oħra kredibbli tas-suq, inkluża informazzjoni dwar volum.

13.

Fid-dawl tal-kjarifika tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 2, dan l-Avviż ma jkoprix akkordji li jkollhom bħala l-għan tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. Il-Kummissjoni mhux se tapplika ż-żona ta’ sigurezza maħluq mil-limiti tas-sehem fis-suq stabbiliti fil-punti 8, 9, 10 u 11 għal tali akkordji (10). Pereżempju, fir-rigward tal-akkordji bejn il-kompetituri, il-Kummissjoni mhux se tapplika l-prinċipji stabbiliti f’dan l-Avviż, b’mod partikolari, għal akkordji li fihom restrizzjonijiet jew li, direttament jew indirettament, għandhom bħala l-għan tagħhom: a) l-iffissar ta’ prezzijiet meta jbigħu prodotti lil partijiet terzi; b) il-limitazzjoni ta’ produzzjoni jew bejgħ; jew c) l-allokazzjoni ta’ swieq jew klijenti. Bl-istess mod, il-Kummissjoni mhux se tapplika ż-żona ta’ sigurezza maħluq minn dawk il-limiti tal-ishma tas-suq għal akkordji li jkun fihom xi restrizzjonijiet li jkunu mniżżla bħala restrizzjonijiet fundamentali f’kull regolament futur ta’ eżenzjoni ta’ kategorija (11), li huma kkunsidrati mill-Kummissjoni li ġeneralment jikkostitwixxu restrizzjoni skont l-għan.

14.

Iż-żona ta’ sigurezza maħluqa bil-limiti fuq is-sehem fis-suq, stabbilit fil-punti 8, 9, 10 u 11, huwa partikolarment rilevanti għal kategoriji ta’ akkordju li mhumiex koperti minn kull regolament tal-Kummissjoni ta’ eżenzjoni ta’ kategorija (12). Iż-żona ta’ sigurezza hija wkoll rilevanti għal akkordji koperti minn regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija tal-Kummissjoni sal-punt li dawk l-akkordji jinkludu l-hekk imsejħa restrizzjoni eskluża, li hija restrizzjoni mhux elenkata bħala restrizzjoni fundamentali iżda madankollu mhux koperta mir-regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija tal-Kummissjoni (13).

15.

Għall-finijiet ta’ dan l-Avviż, il-kliem “intrapriża”, “parti fl-akkordju”, “distributur”, u “fornitur” jinkludu l-intrapriżi konnessi rispettivi tagħhom.

16.

Għall-iskop tal-Avviż “Intrapriżi konnessi” huma:

(a)

intrapriżi li fihom parti fl-akkordju, direttament jew indirettament:

i.

ikollhom is-setgħa li jeżerċitaw iktar minn nofs id-drittijiet tal-vot, jew

ii.

ikollhom is-setgħa li jaħtru aktar minn nofs il-membri tal-bord ta’ superviżjoni, tal-bord ta’ amministrazzjoni jew ta’ korpi li jirrappreżentaw legalment lill-intrapriża, jew

iii.

ikollhom id-dritt li jamministraw l-affarijiet tal-intrapriża;

(b)

intrapriżi li direttament jew indirettament għandhom, fuq parti fl-akkordju, id-drittijiet jew poteri elenkati f’ (a);

(c)

intrapriżi li fihom intrapriża msemmija f’(b) għandha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew il-poteri mniżżla f’(a);

(d)

intrapriżi li fihom parti għal dan l-akkordju flimkien ma’ waħda jew aktar mill-intrapriżi li hemm referenza għalihom f’(a), (b) jew (c), jew li fihom tnejn jew aktar mill-intrapriżi tal-aħħar, b’mod konġunt għandhom id-drittijiet jew il-poteri elenkati f’(a);

(e)

intrapriżi li fihom id-drittijiet jew il-poteri elenkati f’(a) huma miżmuma b’mod konġunt minn:

i.

partijiet fl-akkordju jew l-intrapriżi konnessi rispettivi tagħhom li hemm referenza għalihom fl-(a) sad-(d), jew

ii.

waħda jew aktar mill-partijiet fl-akkordju jew waħda jew aktar mill-intrapriżi konnessi tagħhom li hemm referenza għalihom fl-(a) sad-(d) u waħda jew aktar partijiet terzi.

17.

Għall-finijiet tal-punt (e) fil-punt 16, is-sehem tas-suq miżmum b’mod konġunt f’idejn dawn l-intrapriżi għandu jkun assenjat b’mod ugwali lil kull intrapriża li għandha d-drittijiet u l-poteri elenkati fil-punt (a) fil-punt 16.


(1)  Ara l-Kawża C-226/11 Expedia, li għadha ma ġietx irrapportata, il-paragrafi 16 u 17.

(2)  Ara pereżempju l-Kawża C-226/11 Expedia, b’mod partikolari l-paragrafi 35, 36 u 37.

(3)  Ara, pereżempju, il-Kawżi Konġunti C-215/96 u C-216/96 Bagnasco u Oħrajn [1999] ECR I-135, il-paragrafi 34 u 35.

(4)  L-Avviż tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-effett fuq il-kunċett ta’ kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 81), b’mod partikolari l-punti 44 sa 57.

(5)  Għandu jiġi nnutat li l-akkordji bejn l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju jew kull rakkomandazzjoni futura li tissostitwiha (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36), normalment ukoll mhux kapaċi jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Ara b’mod partikolari l-punt 50 tal-Avviż dwar l-effett fuq il-kummerċ

(6)  B’mod partikolari, biex jiġi determinat jekk hemmx restrizzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni jew le, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw il-limiti stabbiliti f’dan l-Avviż iżda mhux obbligati li jagħmlu dan. Ara l-Kawża C-226/11 Expedia, il-paragrafu 31.

(7)  Dwar id-definizzjoni ta’ kompetituri reali jew potenzjali, ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali, (ĠU C 11, 14.1.2011, p. 1), il-punt 10. Żewġ intrapriżi huma trattati bħala kompetituri attwali jekk ikunu attivi fl-istess suq rilevanti. Intrapriża tiġi ttrattata bħala kompetitur potenzjali ta’ intrapriża oħra jekk, fin-nuqqas ta’ akkordju, fil-każ ta’ żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet relattivi, x’aktarx li din l-ewwel intrapriża tagħmel, fi ħdan perjodu ta’ żmien qasir l-investimenti addizzjonali meħtieġa jew spejjeż oħra meħtieġa għal konverżjoni biex tidħol fis-suq rilevanti li fih l-intrapriza l-oħra tkun attiva.

(8)  Ara wkoll il-Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali (ĠU C 130, 19.5.2010, p. 1), b’mod partikolari l-punti 76, 134 u 179. Filwaqt li fil-Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti restrizzjonijiet issir referenza mhux biss għat-total imma wkoll għall-ishma tas-suq marbutin ma’ fornitur jew xerrej partikolari, f’dan l-Avviż il-bażijiet kollha ta’ ishma tas-suq jirreferu għal ishma totali tas-suq.

(9)  L-Avviż dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5).

(10)  Għal dawn l-akkordji il-Kummissjoni se teżerċita d-diskrezzjoni tagħha biex tiddeċiedi jekk tiftaħx proċeduri jew le.

(11)  Għal akkordji dwar il-provvista u d-distribuzzjoni bejn partijiet mhux kompetituri ara b’mod partikolari l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1) u għal akkordji ta’ liċenzjar bejn partijiet mhux kompetituri ara b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014 tal-21 ta’ Marzu 2014 fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-kategoriji ta’ akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU L 93, 28.3.2014, p. 17). Għal akkordji bejn kompetituri ara b’mod partikolari l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp (ĠU L 335, 18.12.2010, p. 36), u l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni (ĠU L 335, 18.12.2010, p. 43) kif ukoll l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 316/2014.

(12)  Pereżempju, akkordji dwar liċenzja ta’ trejdmark u ħafna tipi ta’ akkordji bejn kompetituri, bl-eċċezzjoni ta’ akkordji dwar riċerka u żvilupp u akkordji ta’ speċjalizzazzjoni, ma huma koperti minn ebda regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija.

(13)  Għal restrizzjonijiet esklużi ara b’mod partikolari l-Artikolu 5 tar- Regolament (UE) Nru 330/2010, l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 316/2014 u l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1217/2010.


30.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/5


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet mhux mitluba li għandhom jiżdiedu mal-kwantità stabbilita għas-subperjodu mill-1 ta’ Jannarsal-31 ta’ Marzu 2015 fil-kuntest ta’ ċerti kwoti miftuħa mill-Unjoni Ewropea għall-prodotti fis-settur tal-laħam tat-tjur

2014/C 291/02

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 616/2007 (1) fetaħ kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta’ prodotti mis-settur tal-laħam tat-tjur. L-applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni li tressqu matul l-ewwel sebat ijiem tax-xahar ta’ Lulju 2014 għas-subperjodu mill-1 ta’ Ottubrusal-31 ta’ Diċembru 2014, għall-kwoti 09.4217, 09.4218, 09.4252 u 09.4256 kienu jkopru kwantitajiet iżgħar minn dawk disponibbli. F’konformità mat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (2), il-kwantitajiet li għalihom ma tressqux talbiet, għandhom jiżdiedu mal-kwantità stabbilita għas-subperjodu tal-kwoti li ġej, mill-1 ta’ Jannarsal-31 ta’ Marzu 2015, u jidhru fl-Anness ta’ din il-Komunikazzjoni.


(1)  ĠU L 142, 5.6.2007, p. 3.

(2)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.


ANNESS

Numru tal-ordni tal-kwota

Kwantitajiet mhux mitluba li għandhom jiżdiedu mal-kwantità stabbilita għas-subperjodu mill-1 ta’ Jannarsal-31 ta’ Marzu 2015

(f’kg)

09.4217

28 058 400

09.4218

6 957 600

09.4252

2 871 503

09.4256

2 595 003


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

30.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/6


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Id-29 ta’ Awwissu 2014

2014/C 291/03

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3188

JPY

Yen Ġappuniż

137,11

DKK

Krona Daniża

7,4520

GBP

Lira Sterlina

0,79530

SEK

Krona Żvediża

9,1658

CHF

Frank Żvizzeru

1,2061

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

8,1465

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,725

HUF

Forint Ungeriż

315,02

LTL

Litas Litwan

3,4528

PLN

Zloty Pollakk

4,2171

RON

Leu Rumen

4,4065

TRY

Lira Turka

2,8506

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4123

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4314

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,2208

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5752

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6456

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 337,97

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

14,0190

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,1018

HRK

Kuna Kroata

7,6210

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 437,61

MYR

Ringgit Malażjan

4,1648

PHP

Peso Filippin

57,583

RUB

Rouble Russu

48,7406

THB

Baht Tajlandiż

42,141

BRL

Real Brażiljan

2,9600

MXN

Peso Messikan

17,2664

INR

Rupi Indjan

79,8100


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

30.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/7


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.7341 — MVD/Postcon/ADVO u.a.)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

2014/C 291/04

1.

Fil-25 ta’ Awwissu 2014, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (1) (KE) Nru 139/2004. li permezz tagħha: L-intrapriża Postcon Deutschland B.V. & Co GmbH (“Postcon”, il-Ġermanja), li hija kkontrollata minn PostNL N.V. (il-Pajjiżi l-Baxxi), u l-intrapriża Märkische Verlags- und Druckgesellschaft mbH Potsdam (“MVD”, il-Ġermanja), li hija kkontrollata mill-kumpanija tal-pubblikazzjoni Madsack GmbH & Co. KG (il-Ġermanja), jakkwistaw skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, kontroll konġunt tal-impriża ADVO-Sansula GmbH (“ADVO”, il-Ġermanja), kkontrollata minn Postcon u minn Georg von Holtzbrinck GmbH & Co. KG (il-Ġermanja), permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma kif ġej:

Poscon hija intrapriża li tagħmel parti grupp ta’ kumpaniji, li toffri servizzi postali kważi esklussivament għall-impriżi fil-Ġermanja;

MVD hija attiva fil-pubblikazzjoni tal-informazzjoni stampata u diġitali. Permezz tal-kumpanija sussidjarja tagħha MAZMAIL GmbH, MVD toffri wkoll servizzi tad-distribuzzjoni tal-korrispondenza;

ADVO hija kumpanija azzjonarja, li permezz tal-kumpaniji sussidjarja tagħha hija attiva fis-servizzi tad-distribuzzjoni tal-korrispondenza f’livell reġjonali.

3.

Wara analiżi preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont in-notifika tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata fin-notifika.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bir-referenza M.7341 — MVD/Postcon/ADVO u.a. jew permezz ta’ faks (+32 22964301), permezz ta’ e-mail (COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu) jew bil-posta fl-indirizz li ġej:

The European Commission

Directorate General for Competition

Merger Registry

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


30.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/8


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.7376 — Droege/Weltbild)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

2014/C 291/05

1.

Fil-25 ta’ Awwissu 2014, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Special Purpose Eins Holding GmbH (il-Ġermanja), li ultimament hija kkontrollata minn Droege International Group AG (“Droege AG”, il-Ġermanja), takkwista, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll tal-impriża WeltBild Holding GmbH kollha kemm hi (“WeltBild Holding”, il-Ġermanja), kumpanija li hija preżentement imsejħa WeltBild Logistik Besitzgesellschaft mbH, permezz ta’ xiri ta’ ishma. Qabel it-trasferiment, l-amministratur tal-insolvenza tal-Verlagsgruppe Weltbild GmbH i.L. (“Weltbild”) se jittrasferixxi assi sinifikanti ta’ Weltbild (barra n-negozju loġistiku) lil Weltbild Holding. F’data iktar tard, ALSO IS GmbH (il-Ġermanja), li hija wkoll ultimament ikkontrollata minn Droege AG, se takkwistaw n-negozju loġistiku ta’ Weltbild.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal Droege AG: Il-grupp Droege huwa kumpanija ta’ konsulenza u investiment. Hija tikkontrolla kumpaniji li huma attivi f’numru ta’ taqsimiet, bħall-konsultazzjoni, il-farmaċewtiċi, il-bejgħ bl-ingrossa kif ukoll is-servizzi tal-IT u tal-komunikazzjoni,

—   għal Weltbild: Verlagsgruppe WeltBild GmbH i.L. hija dar tal-pubblikazzjoni u bejjiegħa bl-imnut ta’ multi-kanali. Il-kumpanija tbiegħ kotba permezz ta’ ordnijiet minn katalgi onlajn u hija l-proprjetarja ta’ ħwienet tal-imnut fil-Ġermanja, l-Awstrija u l-Isvizzera. Taħlita li fiha biss kotba u kotba elettroniċi kif ukoll għadd ta’ gruppi ta’ prodotti oħra (pereż., CDs/DVDs, ġugarelli, ġojjelli u aċċessorji, oġġetti tad-dar u rigali, prodotti elettroniċi tal-konsumatur).

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-e-Mail lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta’ referenza M.7376 — Droege/Weltbild, fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.